|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2023/1065 |
15.12.2023 |
P9_TA(2023)0192
Rapport tal-2022 dwar is-Serbja
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2023 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2022 dwar is-Serbja (2022/2204(INI))
(C/2023/1065)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (1), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2013, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Brussell tas-27 ta’ Frar 2023 u l-Ftehim ta’ Ohrid tat-18 ta’ Marzu 2023 u l-Anness ta’ Implimentazzjoni tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-applikazzjoni tas-Serbja tad-19 ta’ Diċembru 2009 biex tissieħeb mal-UE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni tas-Serbja biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea (COM(2011)0668), id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-1 ta’ Marzu 2012 biex jingħata status ta’ pajjiż kandidat lis-Serbja u d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta’ Ġunju 2013 biex jinfetħu n-negozjati ta’ adeżjoni mas-Serbja, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Tessaloniki tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Sofija tas-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tas-17 ta’ Mejju 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Zagreb adottata fis-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tas-6 ta’ Mejju 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Tirana adottata fis-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tas-6 ta’ Diċembru 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Proċess ta’ Berlin imniedi fit-28 ta’ Awwissu 2014, u t-tmien Summit tal-Proċess ta’ Berlin tal-5 ta’ Lulju 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra s-Summit ta’ Sofija tal-10 ta’ Novembru 2020, inkluża d-Dikjarazzjoni dwar is-Suq Reġjonali Komuni u d-Dikjarazzjoni dwar l-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent, |
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija tal-20 ta’ Lulju 2006 (2) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2006 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tat-Trattat dwar l-Komunità tal-Enerġija (3), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Enerġija u t-Tranżizzjoni Ekoloġika fil-Balkani tal-Punent u l-ftehimiet dwar il-libertà tal-moviment u r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u tal-edukazzjoni għolja adottati fis-Summit tal-Proċess ta’ Berlin għall-Balkani tal-Punent tat-3 ta’ Novembru 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali adottata fil-25 ta’ Ġunju 1998 fir-Raba’ Konferenza Ministerjali fil-proċess “Ambjent għall-Ewropa” u rratifikata mill-Komunità Ewropea fis-17 ta’ Frar 2005 u mir-Repubblika tas-Serbja fil-31 ta’ Lulju 2009, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tas-26 ta’ Lulju 2022 dwar id-dritt tal-bniedem għal ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1244 (1999) tal-10 ta’ Ġunju 1999, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta’ Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta’ indipendenza fir-rigward tal-Kosovo, u r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 64/298 tad-9 ta’ Settembru 2010, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqgħet id-disponibbiltà tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ewwel ftehim dwar il-prinċipji li jirregolaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet tas-Serbja u l-Kosovo tad-19 ta’ April 2013, u l-ftehimiet tal-25 ta’ Awwissu 2015, u d-djalogu ffaċilitat mill-UE li għadu għaddej għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ftehim dwar il-moviment liberu bejn il-gvernijiet tas-Serbja u l-Kosovo tas-27 ta’ Awwissu 2022, u l-ftehim dwar il-pjanċi ta’ reġistrazzjoni tat-23 ta’ Novembru 2022, kif ukoll il-Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehimiet dwar l-Enerġija fl-ambitu tad-djalogu ffaċilitat mill-UE tal-21 ta’ Ġunju 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Frar 2023 dwar id-djalogu ffaċilitat mill-UE bejn Belgrad u Pristina, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2020 bit-titolu “It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent” (COM(2020)0057), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2021 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (4),, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2020 bit-titolu “Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent” (COM(2020)0641), u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2020 bit-titolu “Guidelines for the Implementation of the Green Agenda for the Western Balkans” (Linji Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent) (SWD(2020)0223), |
|
— |
wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ April 2022 dwar il-Programm ta’ Riforma Ekonomika tas-Serbja 2021-2023 (SWD(2021)0096), u l-konklużjonijiet konġunti tad-djalogu ekonomiku u finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija, adottati mill-Kunsill fl-24 ta’ Mejju 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2022 bit-titolu “Komunikazzjoni tal-2022 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE” (COM(2022)0528), akkumpanjata mid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Serbia 2022 Report” (Rapport 2022 dwar is-Serbja) (SWD(2022)0338), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2020 bit-titolu “Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija” (COM(2020)0315), |
|
— |
wara li kkunsidra t-12 u t-13-il laqgħa tal-Konferenza dwar l-Adeżjoni mas-Serbja fil-livell ministerjali, li saru fit-22 ta’ Ġunju u fl-14 ta’ Diċembru 2021 u rriżultaw fil-ftuħ tal-Ġabra ta’ Kapitoli 4 (dwar l-aġenda ekoloġika u l-konnettività sostenibbli), |
|
— |
wara li kkunsidra s-sitt laqgħa tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni UE-Serbja li saret fi Brussell fil-25 ta’ Jannar 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar it-tkabbir u l-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 01/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-10 ta’ Jannar 2022 bit-titolu “L-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent: minkejja l-isforzi li saru, jippersistu problemi fundamentali”, |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-Rapport Speċjali 09/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-3 ta’ Ġunju 2021 bit-titolu “Id-diżinformazzjoni taffettwa lill-UE: qed tiġi indirizzata iżda mhux mitigata”, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Serbja, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar il-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020 (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2022 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2021 dwar is-Serbja (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2021 dwar ix-xogħol furzat fil-fabbrika Linglong u l-protesti ambjentali fis-Serbja (8),, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u tal-24 ta’ Ġunju 2022 dwar l-Ukrajna, l-applikazzjonijiet għas-sħubija tal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia, il-Balkani tal-Punent u r-Relazzjonijiet Esterni, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport finali tal-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa / Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali bikrija tat-3 ta’ April 2022 fis-Serbja, li ġie ppubblikat fid-19 ta’ Awwissu 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ħames ċikli ta’ evalwazzjoni dwar is-Serbja tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Indiċi Globali dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni 2022 ippubblikat minn Transparency International fil-31 ta’ Jannar 2023, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tad-Djalogu bejn il-Partiti fl-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet biex isiru l-elezzjonijiet parlamentari, iffaċilitat mill-Parlament Ewropew, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir (10), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet adottati fl-14-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Serbja tat-23 u l-24 ta’ Novembru 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-Federazzjoni Russa bħala sponsor statali tat-terroriżmu (11), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-aggressjoni kontra l-Ukrajna, adottata fit-2 ta’ Marzu 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-Tieni Summit bejn il-Parlament Ewropew u l-Presidenti tal-Parlamenti tal-Balkani tal-Punent tat-28 ta’ Ġunju 2021, ikkonvokat mill-President tiegħu mal-mexxejja tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0172/2023), |
|
A. |
billi t-tkabbir storikament kien l-aktar strument effettiv tal-politika estera tal-UE, waħda mill-aktar politiki ta’ suċċess tal-UE maħsuba biex tinċentiva u tinkoraġġixxi r-riformi fundamentali, fosthom fil-qasam tal-istat tad-dritt, u investiment ġeostrateġiku fil-paċi, fl-istabbiltà u fis-sigurtà fit-tul fil-kontinent kollu; |
|
B. |
billi l-ġejjieni tal-Balkani tal-Punent jinsab fi ħdan l-Unjoni Ewropea. billi l-momentum il-ġdid tat-tkabbir imqanqal mill-applikazzjoni għas-sħubija fl-UE tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant wassal lill-UE biex taċċellera l-konsenji li ilhom mistennija lill-Balkani tal-Punent permezz ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-bidu tat-taħditiet ta’ adeżjoni mal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Albanija, u l-għoti ta’ status ta’ kandidat lill-Bożnija-Ħerzegovina; |
|
C. |
billi l-pass aktar bil-mod tat-tkabbir tal-UE ħoloq fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent mixtla għal atturi terzi malinji, b’mod partikolari r-Russja u ċ-Ċina; |
|
D. |
billi s-Serbja bħala pajjiż kandidat għandha tiġi ġġudikata fuq il-merti tagħha stess, u dan jinkludi r-rispett u l-impenn sod għad-drittijiet u l-valuri kondiviżi Ewropej u l-allinjament mal-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE, bħala parti mill-proċess ta’ negozjati aċċettat mis-Serbja; billi t-triq tas-Serbja lejn is-sħubija fl-UE tiddependi wkoll fuq in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo; |
|
E. |
billi hija meħtieġa rieda politika ġenwina mill-mexxejja politiċi fil-pajjiżi tat-tkabbir għall-avvanz tar-riformi fundamentali; billi l-UE u l-mexxejja politiċi tagħha kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi ta’ adeżjoni jeħtieġ li jagħtu prova tal-impenn ġenwin (u l-wegħdiet) tagħhom favur it-tkabbir permezz ta’ progress u passi konkreti, filwaqt li jiżguraw il-kontinwità, il-konsistenza, il-kredibbiltà u l-impatt tiegħu; |
|
F. |
billi maż-żmien il-maġġoranza fil-gvern dgħajfet b’mod kostanti wħud mid-drittijiet politiċi u l-libertajiet ċivili, u poġġiet pressjoni fuq il-midja indipendenti, l-oppożizzjoni politika u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ); |
|
G. |
billi s-Serbja hija l-akbar benefiċjarju ta’ assistenza ta’ qabel l-adeżjoni tal-UE fil-Balkani tal-Punent li tammonta għal EUR 1,404 biljun f’finanzjament tal-IPA II mill-2014; |
|
H. |
billi l-UE hija l-akbar investitur, sieħeb kummerċjali u donatur prinċipali tas-Serbja, b’ammont ta’ EUR 1,85 biljun f’investiment dirett fl-2021; |
|
I. |
billi matul is-seba’ snin li ġejjin, l-UE f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali se timmobilizza sa EUR 30 biljun permezz tal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent imniedi fl-2020; |
|
J. |
billi s-Serbja rratifikat il-konvenzjonijiet fundamentali kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol; |
|
K. |
billi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u t-theddida Russa dejjem akbar għas-sigurtà Ewropea komplew jenfasizzaw l-importanza tal-allinjament tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) fil-proċess ta’ tkabbir; |
|
L. |
billi s-Serbja vvutat favur ir-riżoluzzjonijiet li jikkundannaw l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna filwaqt li appoġġat ir-rispett għall-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukrajna f’konformità mad-dritt internazzjonali fl-Assemblea Ġenerali tan-NU; |
|
M. |
billi s-Serbja ma imponietx sanzjonijiet kontra r-Russja wara l-invażjoni mhux provokata u illegali tal-Ukrajna mir-Russja; billi r-rata ta’ allinjament tas-Serbja mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni Ewropea naqset minn 64 % fl-2021 għal 45 % fl-2022; |
|
N. |
billi r-Russja qed tuża l-influwenza tagħha fis-Serbja biex tipprova tiddestabbilizza, tindaħal u thedded stati sovrani ġirien; billi s-Serbja saret refuġju sikur għall-kumpaniji Russi, bħal kumpaniji ewlenin tal-komunikazzjoni u tal-midja, inkluż Russia Today (RT); billi l-pjattaformi tal-midja soċjali saru għodod għat-trawwim ta’ movimenti politiċi antidemokratiċi fil-Balkani tal-Punent; |
|
O. |
billi, skont ir-Rapport tal-Balkan Free Media Initiative, fis-Serbja, id-diżinformazzjoni qed tinfirex b’mod ħafna aktar mgħaġġel milli jistgħu jiddokumentaw il-verifikaturi tal-fatti indipendenti, u dan qed ikompli jżid id-diviżjoni u s-sentiment kontra l-UE, u qed iwassal għal tħassib dejjem akbar dwar is-sigurtà fir-reġjun; billi d-diżinformazzjoni spiss toriġina minn dikjarazzjonijiet foloz jew qarrieqa magħmula minn figura politika, li mbagħad jiġu rrapportati mill-midja affiljata mal-istat u sussegwentement jiġu kondiviżi fuq il-Midja Soċjali; |
Impenn għall-adeżjoni mal-UE
|
1. |
Jilqa’ l-fatt li s-sħubija fl-UE għadha l-għan strateġiku tas-Serbja u f’dan il-kuntest jilqa’ l-ħatra tal-Ministru l-ġdid għall-Integrazzjoni Ewropea; jissottolinja l-fatt li l-progress dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-impenn favur id-drittijiet u l-valuri komuni Ewropej, u n-normalizzazzjoni u d-dieskalazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo se jiddeterminaw id-dinamika tal-proċess ta’ adeżjoni, kif stabbilit fil-Qafas ta’ Negozjar; jissottolinja, f’dan il-kuntest, l-importanza tal-allinjament tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; |
|
2. |
Jistenna l-formazzjoni ta’ tim robust ġdid ta’ negozjar għall-adeżjoni mal-UE fis-Serbja; jistieden lill-awtoritajiet jiżviluppaw pjanijiet ta’ bini tal-kapaċità biex isaħħu l-kapaċitajiet tas-Serbja fl-implimentazzjoni tal-proċess ta’ adeżjoni mal-UE; |
|
3. |
Jiddispjaċih dwar il-livell baxx kontinwu ta’ allinjament tas-Serbja mal-PESK, li naqas minn 64 % fl-2021 għal 45 % f’Awwissu 2022, b’mod partikolari fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jisħaq fuq il-fatt li s-Serbja hija wieħed mill-ftit pajjiżi Ewropej li mhux jallinjaw mas-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja; jitlob lill-awtoritajiet rilevanti juru impenn mhux ambigwu favur id-dritt internazzjonali u l-valuri tal-UE u jallinjaw ruħhom mal-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja; itenni l-pożizzjoni tiegħu li n-negozjati tal-adeżjoni mas-Serbja għandhom javvanzaw biss jekk il-pajjiż jallinja ruħu mas-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u jagħmel progress sinifikanti fir-riformi tiegħu relatati mal-UE; iħeġġeġ lis-Serbja tiżgura l-applikazzjoni effettiva tas-sanzjonijiet deċiżi mill-UE kontra r-Russja u l-Belarussja billi tiġġieled kontra kwalunkwe ċirkomvenzjoni jew tentattiv ta’ ċirkomvenzjoni; |
|
4. |
Jiddispjaċih li fl-2022 il-Kummissjoni nnutat rigress f’wieħed mill-kapitoli ta’ negozjar, b’mod partikolari fil-Kapitolu 31 dwar il-politika estera, ta’ sigurtà u ta’ difiża; jissottolinja l-fatt li, bħala pajjiż kandidat, is-Serbja trid taderixxi mal-prinċipji u l-politiki tal-UE, u kwalunkwe allinjament ma’ reġim awtokratiku u xewwiex favur il-gwerra jrid jieqaf; |
|
5. |
Jinnota l-allinjament tas-Serbja mal-UE fil-votazzjoni favur riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u s-sospensjoni tar-Russja mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem; jilqa’ l-appoġġ tas-Serbja favur l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukrajna; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li s-Serbja naqset b’mod konsistenti milli tallinja ruħha mal-miżuri restrittivi tal-UE u mal-biċċa l-kbira tad-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli f’isem l-Unjoni Ewropea kontra r-Russja, li hija aggressur kontra l-Ukrajna; jilqa’ l-allinjament tas-Serbja mal-miżuri restrittivi tal-UE kontra l-Belarussja għar-rwol tagħha fl-invażjoni Russa tal-Ukrajna u l-miżuri kontra t-tmexxija Ukrena preċedenti, kif ukoll l-assistenza enerġetika, l-isforzi ta’ rikostruzzjoni u l-passi meħuda mis-Serbja biex tipprovdi għajnuna umanitarja lill-Ukrajna; jiddispjaċih, madankollu, li l-Gvern tas-Serbja spiss jagħżel li ma jħabbarx pubblikament id-deċiżjoni tiegħu li jallinja ruħu ma’ dawn il-miżuri; |
|
6. |
Jiddeplora r-relazzjoni u s-sħubija mill-qrib u b’mod kontinwu tas-Serbja mar-Russja, peress li dan iqajjem mistoqsijiet dwar id-direzzjoni strateġika tas-Serbja u jxekkel l-iżvilupp ekonomiku u politiku; jinsab imħasseb dwar il-grad sa fejn l-uffiċjali Russi jinfluwenzaw uħud mid-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet pubbliċi Serbi; jikkundanna l-kampanji ta’ uffiċjali tal-istat u midja influwenti li qed jippruvaw idgħajfu l-proċess ta’ integrazzjoni tal-UE; |
|
7. |
Jiddispjaċih għall-fatt li ċerti komponenti ewlenin tal-politika estera Serba jmorru direttament kontra l-pożizzjonijiet tal-UE, inkluż l-iffirmar tal-Pjan ta’ Konsultazzjonijiet Bejn il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tas-Serbja u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja għall-perjodu 2023-2024 u l-laqgħat ma’ uffiċjali għolja mir-Russja li jinsabu fuq il-lista ta’ sanzjonijiet tal-UE; jinsab imħasseb dwar il-ħatra tad-Direttur tal-Aġenzija tal-Intelligence dwar is-Sigurtà (BIA) Aleksandar Vulin, li huwa magħruf għar-retorika tiegħu kontra l-UE u favur il-Kremlin u fil-passat ikkondivida mal-awtoritajiet Russi informazzjoni dwar il-laqgħat tal-oppożizzjoni Russa fl-eżilju, inklużi dawk li jinvolvu lil Vladimir Kara-Murza, li aktar tard ingħata s-sentenza ta’ 25 sena ħabs minn qorti Russa; jesprimi tħassib dwar l-allegazzjonijiet ta’ interċettazzjonijiet telefoniċi ta’ membri tal-oppożizzjoni Russa f’Belgrad mill-awtoritajiet Serbi; |
|
8. |
Jisħaq li kwalunkwe kooperazzjoni li tikkontribwixxi għal prattiki awtoritarji u antidemokratiċi fir-Russja jew fis-Serbja tkun ta’ detriment għall-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja, u jissottolinja li l-fiduċja reċiproka bejn is-Serbja u l-UE u l-impenn ġenwin tas-Serbja favur l-integrazzjoni mal-UE huma essenzjali fil-kuntest tal-aggressjoni Russa li għaddejja kontra l-Ukrajna; itenni t-talbiet tiegħu lill-awtoritajiet Serbi biex jipprovdu aktar trasparenza dwar ir-rwol u l-attivitajiet tal-hekk imsejjaħ Ċentru Umanitarju tar-Russja u s-Serbja f’Niš u jtemmu minnufih kull kooperazzjoni, b’mod partikolari l-kooperazzjoni militari, mar-Russja; |
|
9. |
Jiddispjaċih dwar l-involviment tas-Serbja mar-reġim awtoritarju fl-Iran u dwar il-fatt li tilqa’ rappreżentanti ta’ livell għoli f’Belgrad fl-istess ħin meta r-reġim Iranjan qed irażżan b’mod brutali l-protesti tal-massa taċ-ċittadini tiegħu; jitlob lis-Serbja titbiegħed b’mod kredibbli mir-reġimi antidemokratiċi; |
|
10. |
Ifakkar li l-proċess ta’ adeżjoni mal-UE huwa bbażat primarjament fuq ir-rieda ġenwina tal-pajjiż kandidat li jaderixxi mal-valuri u l-prinċipji tal-UE; jesprimi tħassib dwar ix-xejra ta’ tnaqqis reċenti fl-appoġġ pubbliku għas-sħubija fl-UE fis-Serbja, li laħaq l-aktar numri baxxi li qatt kien hemm u l-appoġġ dejjem jikber għar-reġim Russu, u dan huwa riżultat ta’ retorika politika kontra l-UE u favur ir-Russja li ilha teżisti u mifruxa b’mod wiesa’ permezz ta’ midja kkontrollata mill-gvern kif ukoll minn uffiċjali tal-gvern, u ta’ falliment serju min-naħa tal-uffiċjali li jiffaċċaw u jissuperaw il-passat tas-Serbja; jikkundanna l-attakki minn politiċi u uffiċjali pubbliċi kontra l-UE u ċerti Stati Membri, speċjalment Franza u l-Ġermanja; jinnota li dan it-tnaqqis fl-appoġġ huwa relatat direttament mal-preżenza dejjem akbar ta’ atturi internazzjonali oħra; jappella lill-awtoritajiet Serbi jippromwovu diskussjoni miftuħa u bbażata fuq il-fatti dwar l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea; jiddispjaċih li l-appelli tal-UE lis-Serbja biex tirrispetta l-impenji bħala pajjiż kandidat ġew ippreżentati min-naħa tal-ogħla uffiċjali Serbi bħala rikatt; iħeġġeġ kemm lill-uffiċjali Serbi kif ukoll lil dawk tal-UE biex jikkomunikaw b’mod attiv il-benefiċċji tas-sħubija mal-UE bħala kwistjoni ta’ prijorità; |
|
11. |
Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-appoġġ pubbliku għas-sħubija mal-UE fis-Serbja kien ferm aktar baxx milli fil-bqija tar-reġjun, bi stħarriġ li jindika li l-maġġoranza taċ-ċittadini Serbi jafu jkunu kontra l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea; jiddeplora l-fatt li ħafna strumenti tal-midja huma preġudikati ħafna kontra l-UE u favur ir-Russja fir-rappurtar tagħhom; għadu mħasseb dwar il-fatt li l-istrumenti tal-midja ffinanzjati pubblikament, li spiss jikkwotaw uffiċjali b’kariga pubblika, jikkontribwixxu għat-tixrid tar-retorika kontra l-UE fis-Serbja; |
|
12. |
Ifakkar li l-UE hija s-sieħeb politiku u ekonomiku ewlieni tas-Serbja u bil-bosta l-akbar donatur; jappella lill-UE tikkunsidra mill-ġdid il-firxa tal-assistenza finanzjarja pprovduta mill-UE lis-Serbja f’każ li l-appoġġ għal reġimi antidemokratiċi u n-nuqqas ta’ allinjament mal-miżuri restrittivi tal-UE u l-PESK ikomplu jippersistu; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li n-nefqa kollha tal-UE tkun kompletament konformi mal-għanijiet u l-interessi strateġiċi tal-UE stess; |
|
13. |
Jitlob lill-Gvern Serb, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri tal-UE u lid-Delegazzjoni tal-UE għas-Serbja jsegwu strateġija ta’ komunikazzjoni aktar attiva u effettiva sabiex jippromwovu r-rwol u l-benefiċċji tal-adeżjoni mal-UE u l-proġetti u r-riformi ffinanzjati mill-UE fost il-popolazzjoni Serba, inkluż lil hinn mill-bliet ewlenin, u jieħdu miżuri biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni dwar l-UE; jitlob lill-mexxejja politiċi Serbi jużaw komunikazzjoni ċara u mhux ambigwa dwar it-triq Ewropea tas-Serbja u r-relazzjoni mill-qrib mal-UE; jistieden lill-Assemblea Nazzjonali tappoġġa l-futur Ewropew tas-Serbja; itenni r-rieda tal-Parlament Ewropew li jieħu sehem f’attivitajiet ta’ komunikazzjoni flimkien mad-deputati parlamentari Serbi sabiex l-UE u s-Serbja jitqarrbu aktar lejn xulxin; |
|
14. |
Jinnota bi tħassib li mill-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar is-Serbja ma kien hemm l-ebda titjib fil-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali fi 33 kapitolu ta’ negozjar u li fl-2022 il-Kummissjoni ma identifikat “progress tajjeb” fl-ebda kapitolu; |
Demokrazija u stat tad-dritt
|
15. |
Jilqa’ l-passi meħuda mis-Serbja biex tallinja mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi li mhumiex fl-UE li ċ-ċittadini tagħhom jeħtieġu viża għall-UE u jappella għal allinjament ulterjuri immedjat, b’mod partikolari ma’ dawk il-pajjiżi terzi b’riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew ta’ sigurtà għall-UE; ifakkar li tali allinjament huwa ta’ importanza kruċjali għar-relazzjonijiet ġenerali bejn l-UE u s-Serbja, inkluż dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u dwar is-sostenibbiltà tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża; jinnota li mill-ħarifa tal-2022 is-Serbja kkanċellat sistemi ta’ vjaġġar mingħajr viża ma’ sitt pajjiżi, inklużi dawk identifikati bħala prijoritajiet (l-Indja, it-Tuneżija, il-Burundi u Kuba), u dan wassal għal tnaqqis fl-għadd ta’ ċittadini minn dawn il-pajjiżi li jidħlu fl-Istati Membri tal-UE b’mod irregolari u japplikaw għall-ażil; jitlob lis-Serbja tkompli tikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-flussi migratorji mħallta lejn l-UE billi tikkoopera b’mod effettiv mal-ġirien tagħha, inkluż mal-Kosovo u mal-Istati Membri tal-UE, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards internazzjonali; |
|
16. |
Ifaħħar il-kooperazzjoni tajba tas-Serbja mal-UE fil-ġestjoni tal-migrazzjoni irregolari, inkluża l-kooperazzjoni tajba u kontinwa mal-Frontex u l-ftuħ ta’ negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim usa’; |
|
17. |
Jilqa’ l-parteċipazzjoni attiva u kontinwa tas-Serbja u l-kontribut pożittiv tagħha għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE fl-ambitu tal-PSDK; |
|
18. |
Jinnota l-adozzjoni tal-emendi għall-kostituzzjoni Serba wara r-referendum f’Jannar 2022, bl-għan li tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura u jiżdiedu t-trasparenza u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet tal-istat tad-dritt tas-Serbja; jilqa’ l-adozzjoni tal-liġijiet ġudizzjarji l-ġodda mill-Assemblea Nazzjonali Serba fid-9 ta’ Frar 2023; jisħaq li l-proċess ta’ riforma għandu jkompli permezz tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni rilevanti f’konformità mal-aħjar prattiki Ewropej, bl-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja u b’konformità mal-iskadenzi kostituzzjonali; jinnota l-ħtieġa li l-popolazzjoni tiġi involuta mill-qrib fil-proċess ta’ riforma biex tiżdied il-leġittimità demokratika tiegħu; jesprimi tħassib dwar il-każ Elektroprivreda Srbije, fejn il-prosekuturi tneħħew wara li bdew jeżaminaw każ ta' korruzzjoni; |
|
19. |
Jinnota li, skont diversi OSĊ u esperti legali indipendenti, il-liġijiet dwar il-ġudikatura għadhom jagħtu lok għal influwenza indebita fuq il-ħidma tagħha mill-eżekuttiv, filwaqt li l-Konvenzjoni Nazzjonali dwar l-UE tiddikjara li l-fehmiet tas-soċjetà ċivili setgħu ma ġewx ikkunsidrati biżżejjed; jitlob lill-istituzzjonijiet pubbliċi tas-Serbja jsaħħu s-salvagwardji għall-indipendenza u l-effiċjenza tal-ġudikatura bħala kwistjoni ta’ prijorità; jappella għall-allinjament sħiħ mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar is-sett ta’ liġijiet ġudizzjarji u l-iżgurar tal-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet li jneħħu kwalunkwe influwenza indebita fuq il-ġudikatura; ifakkar lill-awtoritajiet Serbi li se jkun meħtieġ progress sostanzjali u konkret u mkejjel skont ir-rekord u l-implimentazzjoni reali tar-riformi tal-istat tad-dritt, il-prattika ġudizzjarja, u r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-ħidma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku; |
|
20. |
Jilqa’ l-adozzjoni tal-miżuri dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet elettorali qabel l-elezzjonijiet ta’ April 2022 bħala riżultat tad-Djalogu bejn il-Partiti ffaċilitat mill-Parlament Ewropew; jinnota b’dispjaċir id-djalogu parallel dwar il-kundizzjonijiet elettorali “mingħajr medjazzjoni esterna”, li jaf jimmina d-Djalogu bejn il-Partiti ffaċilitat mill-Parlament Ewropew; |
|
21. |
Jilqa’ r-rieda tal-forzi kostruttivi kollha, b’mod partikolari l-oppożizzjoni, li jieħdu sehem fil-ħidma tal-Assemblea Nazzjonali, u r-rieda tal-Assemblea Nazzjonali li tkompli dan id-djalogu; jappoġġa l-istabbiliment tad-Djalogu Parlamentari kofaċilitat tal-Parlament Ewropew fis-Serbja; jisħaq li l-għan tad-djalogu huwa li jtejjeb il-ħidma tal-Assemblea Nazzjonali tas-Serbja u li l-partijiet kollha jkunu mistiedna jikkontribwixxu għal dan l-għan; |
|
22. |
Ifakkar fl-importanza li jiġu segwiti r-regoli ta’ proċedura fl-Assemblea Nazzjonali, inkluża l-organizzazzjoni f’waqtha tad-dibattiti parlamentari u ż-żamma tal-ordni fl-Assemblea matul dibattiti politiċi ewlenin, inkluża s-sessjoni parlamentari speċjali dwar il-Kosovo; jiddispjaċih dwar l-użu kontinwu ta’ lingwaġġ xewwiexi kontra l-avversarji politiċi, is-soċjetà ċivili, il-midja u r-rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet oħra matul id-diskussjonijiet parlamentari, inkluż min-naħa ta’ uffiċjali tal-gvern; jitlob għal darb’ oħra lill-Assemblea Nazzjonali l-ġdida biex ma tittollerax tali prattiki u tinforza b’mod effettiv il-Kodiċi ta’ Kondotta tagħha; itenni l-importanza li l-proċeduri tal-Assemblea jiġu segwiti, kif ukoll li tinżamm ir-reputazzjoni tal-ogħla kamra tar-rappreżentanti; jitlob lill-President tal-Assemblea Nazzjonali jaderixxi mal-proċeduri tal-Assemblea; |
|
23. |
Jinnota l-konklużjonijiet tar-rapport finali tal-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa / Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, li skonthom l-elezzjonijiet parlamentari tat-3 ta’ April 2022 ippreżentaw diversi għażliet politiċi, iżda għadd ta’ nuqqasijiet irriżultaw f’kundizzjonijiet mhux ekwi, u dan ta vantaġġ lil dawk li kienu fil-poter; jiddispjaċih għall-fatt li l-kwistjonijiet li ilhom jeżistu ta’ rappurtar żbilanċjat tal-midja, pressjoni fuq il-votanti, inkluż fuq il-benefiċjarji tas-sussidji u l-benefiċċji soċjali, u abbuż tal-uffiċċju pubbliku baqgħu jippersistu matul il-kampanja elettorali; jiddispjaċih dwar l-allegazzjonijiet serji ta’ manipulazzjoni tar-reġistru tal-votanti u n-nuqqas ta’ rispons istituzzjonali adegwat; jesprimi t-tħassib politiku tiegħu għall-fatt li kellhom jgħaddu 93 jum biex jiġu ddeterminati r-riżultati finali tal-elezzjonijiet parlamentari bikrija; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jiżguraw li r-riżultati elettorali jiġu ddeterminati b’mod effiċjenti u trasparenti fil-futur; |
|
24. |
Jilqa’ l-emendi għall-qafas legali għall-finanzjament tal-kampanji elettorali, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u jitlob lill-awtoritajiet Serbi jindirizzaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet pendenti, b’mod partikolari l-aċċess tal-kandidati kompetituri għall-midja, it-trasparenza u r-responsabbiltà msaħħa tal-finanzjament tal-kampanji, u miżuri biex jiġu indirizzati l-pressjoni fuq il-votanti u l-użu ħażin tar-riżorsi amministrattivi, f’konsultazzjoni ma’ OSĊ esperti u ferm qabel l-elezzjonijiet li jmiss, sabiex jiġu evitati l-irregolaritajiet u kwalunkwe frodi, u jiġi ggarantit il-funzjonament demokratiku tal-pajjiż; |
|
25. |
Jilqa’ l-parteċipazzjoni tal-atturi politiċi rilevanti kollha fl-elezzjonijiet parlamentari bikrija, peress li dan jirriżulta f’parlament aktar pluralistiku; jiddispjaċih, madankollu, għad-dewmien fil-finalizzazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet u fil-formazzjoni tal-parlament u l-gvern il-ġodda, peress li dan irriżulta f’dewmien f’teħid ta’ deċiżjonijiet importanti, inkluż dwar riformi relatati mal-UE; |
|
26. |
Jilqa’ d-distribuzzjoni ekwa tal-uffiċċji tal-viċi presidenzjali u tal-presidenzi tal-kumitati fl-Assemblea l-ġdida, li tirrifletti l-kompożizzjoni tagħha; jiddispjaċih, madankollu, dwar ir-ritorn ta’ prattiki mhux mixtieqa fil-ħidma tal-parlament, inkluż in-nuqqas ta’ sessjonijiet ta’ mistoqsijiet lill-gvern, in-nuqqas ta’ diskussjoni dwar ir-rapporti ta’ istituzzjonijiet indipendenti, u l-użu aktar frekwenti ta’ proċeduri urġenti, peress li dan ireġġa’ lura l-progress miksub mir-riforma tal-parlament fis-snin riċenti; jesprimi tħassib dwar l-atmosfera kultant ta’ tensjoni fil-parlament kif ukoll dwar il-każijiet ta’ tfixkil tal-ħidma ta’ xi kumitati parlamentari; jappella għal trattament ugwali tad-deputati parlamentari tal-oppożizzjoni, implimentazzjoni konsistenti u effettiva tal-Kodiċi ta’ Kondotta parlamentari u sanzjonijiet imparzjali għall-ksur tal-integrità parlamentari; |
|
27. |
Itenni t-talba tiegħu lill-Assemblea Nazzjonali biex twaqqaf l-użu ta’ lingwaġġ infjammatorju abbużiv u tiġġieled id-diskors ta’ mibegħda u s-sessiżmu lejn in-nisa matul id-dibattitu parlamentari; jitlob lit-tmexxija tal-Parlament Serb, inkluż in-Network Parlamentari tan-Nisa tal-Assemblea, tieħu rwol proattiv f’dan ir-rigward; |
|
28. |
Jilqa’ l-ħatra tad-delegazzjoni Serba l-ġdida għall-Kumitat Parlamentari ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Serbja; iħeġġeġ lill-Membri tal-PE u lid-deputati parlamentari Serbi jkomplu l-kooperazzjoni kostruttiva tagħhom; |
|
29. |
Jinnota li, f’dawn l-aħħar 10 snin, il-parlamenti Serbi kollha ħlief wieħed ġew xolti kmieni u li kwalunkwe elezzjoni bikrija u mhux meħtieġa ulterjuri ma tkunx ta’ kontribut għall-istabbiltà politika; jissottolinja li elezzjonijiet bikrija kostanti, ambjent ta’ kampanja permanenti u dewmien twil fil-formazzjoni tal-gvernijiet ma jikkontribwixxux għal governanza demokratika effiċjenti tal-pajjiż, iżda jdgħajfu l-Parlament, u jwasslu wkoll għal nuqqas ta’ leġittimità u sorveljanza leġiżlattiva parlamentari; |
|
30. |
Jinnota xi progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; itenni l-appell tiegħu lis-Serbja biex tagħti riżultati konvinċenti f’każijiet b’livell għoli ta’ interess pubbliku, fosthom Krušik u Jovanjica u Belivuk; jinsab imħasseb dwar l-ammont żgħir ta’ progress li sar f’dawn il-każijiet mir-rapport tas-sena l-oħra u dwar l-allegazzjonijiet li Darko Saric kien qed imexxi organizzazzjoni kriminali internazzjonali waqt li kien il-ħabs fis-Serbja; jisħaq fuq il-fatt li huma meħtieġa sforz u rieda politika aktar dimostrabbli biex jinkisbu riżultati tanġibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriminalità serja u organizzata, u rekord konvinċenti b’investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni effettivi, inklużi l-iffriżar u l-konfiska ta’ assi kriminali; |
|
31. |
Itenni t-talba tiegħu għall-ġustizzja fir-rigward tat-twaqqigħ illegali ta’ proprjetà privata fid-distrett residenzjali ta’ Savamala f’Belgrad; jinnota li l-uffiċjal tal-pulizija kkundannat ħa r-responsabbiltà unika għall-każ kollu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinvestigaw bis-sħiħ il-każ u jħarrku lill-persuni kollha responsabbli mingħajr dewmien; jiddispjaċih għall-fatt li uffiċjali għolja tal-gvern Serb għadhom jittrivjalizzaw u jirridikolaw il-każ Savamala fil-pubbliku, minkejja s-serjetà tal-ksur tal-istat tad-dritt involut; |
|
32. |
jinnota bi tħassib li l-Ombudsman il-ġdid ġie elett mill-ġdid biss wara li kien skada l-mandat tiegħu ta’ ħames snin; jiddispjaċih li l-Gvern tas-Serbja ma meliex il-postijiet vakanti fil-Kunsill Kontra l-Korruzzjoni; jitlob lis-Serbja timplimenta r-rakkomandazzjonijiet fil-ħames ċiklu ta’ evalwazzjoni tal-GRECO dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-promozzjoni tal-integrità fil-gvernijiet ċentrali u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ strateġija pubblika dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni; |
|
33. |
Jisħaq fuq il-fatt li l-IPA III jipprevedi l-modulazzjoni jew saħansitra s-sospensjoni tal-fondi fil-każ ta’ rigressjoni sinifikanti jew nuqqas persistenti ta’ progress fuq il-prinċipji fundamentali, inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, kif ukoll il-libertà tal-midja; jappella, f’dan il-kuntest, lill-UE u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jistabbilixxu qafas għal kooperazzjoni produttiva bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u l-kontropartijiet tiegħu tal-Balkani tal-Punent sabiex jiġi żgurat li l-UPPE jkun jista’ jeżerċita b’mod effettiv il-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-fondi IPA III fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Speċjali 01/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, b’mod partikolari billi tiżviluppa linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-IPA III dwar il-modulazzjoni/il-kundizzjonalità; |
|
34. |
Jitlob lill-awtoritajiet jirrispettaw il-valuri u l-prinċipji ewlenin Ewropej, filwaqt li jiżguraw is-supremazija tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali, il-valuri u l-istat tad-dritt, inklużi l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u s-separazzjoni tas-setgħat, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Tirana tas-6 ta’ Diċembru 2022; |
|
35. |
Jinnota l-adozzjoni tal-programm għar-riforma tas-sistema tal-gvern lokali 2021-2025, li għandu l-għan li jindirizza n-nuqqasijiet fil-funzjonament tal-gvernijiet lokali, u jissottolinja li l-implimentazzjoni hija kruċjali; jiddispjaċih li l-awtoritajiet lokali għadhom dgħajfa; jiddeplora l-fatt li l-Liġi dwar ir-riżorsi finanzjarji ta’ Vojvodina għadha ma ġietx adottata, minkejja li kienet prevista fil-Kostituzzjoni; |
Libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem
|
36. |
Jisħaq li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa element essenzjali tad-demokrazija u l-progress fit-triq lejn l-Ewropa; jinnota li l-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali adegwat tas-Serbja għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali jeħtieġ li jitqiegħed fil-prattika; jitlob lill-awtoritajiet Serbi jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jissalvagwardjaw u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward ta’ gruppi vulnerabbli speċifiċi, inkluż billi jsaħħu l-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u billi jinvestigaw u jressqu quddiem il-qorti lill-awturi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lis-Serbja trawwem ambjent li fih il-valuri u l-approċċi Ewropej jistgħu jiffjorixxu u jsiru attitudnijiet konsistenti fi ħdan is-soċjetà Serba usa’ u li jistgħu jgħinu fit-twettiq tal-aspirazzjonijiet Ewropej tan-nazzjon; |
|
37. |
Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-atti ta' sparar tal-massa fis-Serbja f'Mejju 2023, jinsab f'luttu u f'solidarjetà mal-familji tal-vittmi u l-poplu tas-Serbja, jitlob li ssir investigazzjoni bir-reqqa tal-qtil kollu u li ssir ġustizzja sħiħa; |
|
38. |
Ifaħħar lill-gvern għall-proċess kostruttiv ta’ konsultazzjoni pubblika mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem dwar l-irtirar tal-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Affarijiet Interni f’Diċembru 2022 wara reazzjoni pubblika qawwija; jinnota li din kienet it-tieni darba li l-gvern kien introduċa dispożizzjonijiet kontroversjali ħafna, inkluża l-legalizzazzjoni tal-użu ta’ kameras bijometriċi ta’ rikonoxximent tal-wiċċ mixtrija miċ-Ċina; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Serbja jintroduċi moratorju fuq is-sorveljanza bijometrika fl-ispazji pubbliċi u l-ipproċessar tal-massa tad-data bijometrika taċ-ċittadini sakemm din il-kwistjoni tkun ġiet armonizzata fil-livell tal-UE; |
|
39. |
Jiddeplora d-deterjorament ulterjuri tal-libertà ta’ espressjoni, il-każijiet ta’ kampanji ta’ diskors ta’ mibegħda u kampanji ta’ malafama u l-għadd dejjem jiżdied ta’ kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs) fil-pajjiż; itenni li l-pressjoni, l-intimidazzjoni, il-fastidju, id-diskors ta’ mibegħda u l-attakki fuq attivisti, ġurnalisti u strumenti tal-midja mhumiex aċċettabbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinvestigaw u jressqu quddiem il-qorti r-reati kollha bħal dawn, inklużi dawk kontra l-uffiċċju investigattiv KRIK u l-gazzetta ta’ kuljum Danas, u joħolqu ambjent li fih il-libertà ta’ espressjoni tista’ ġenwinament tiffjorixxi; |
|
40. |
Jinnota l-impunità kontinwa fil-każijiet tal-qtil ta’ Slavko Ćuruvija, l-attakk kontra Milan Jovanović u fuq ekwipaġġ televiżiv u ġurnalisti li jkopru kwistjonijiet ambjentali, kif ukoll attakki kontra l-midja lokali; jinsab imħasseb dwar rapporti dwar l-abbuż ta’ flus pubbliċi għall-akkwist tas-sjieda ta’ strumenti tal-midja u allegatament l-użu tagħhom bħala għodda għall-ħakma tal-midja fis-Serbja; |
|
41. |
Itenni li l-istat tal-libertà ta’ espressjoni u l-indipendenza tal-midja jibqa’ tħassib serju li jeħtieġ li jiġi indirizzat bħala kwistjoni tal-akbar prijorità; f’dan ir-rigward jinsab imħasseb dwar l-iżbilanċ bejn il-membri tal-gvern u tal-oppożizzjoni fir-rappurtar tal-istazzjonijiet televiżivi nazzjonali barra mill-perjodu tal-kampanja elettorali; iħeġġeġ lis-Serbja ttejjeb u tipproteġi l-professjonaliżmu fil-midja, id-diversità u l-pluraliżmu tal-midja, u tippromwovi ġurnaliżmu investigattiv ta’ kwalità u litteriżmu fil-midja; jappella għal aktar trasparenza tal-finanzjament pubbliku tal-midja u d-distribuzzjoni tiegħu abbażi tal-mertu; jappella biex il-fondi pubbliċi kollha għall-midja li jiġġeneraw id-diżinformazzjoni jitwaqqfu b’effett immedjat; |
|
42. |
Jiddispjaċih dwar l-użu ħażin tal-midja mill-maġġoranza fil-gvern biex jinkiseb vantaġġ politiku inġust, jiġu attakkati l-avversarji politiċi u tinxtered id-diżinformazzjoni; jappella għal aktar trasparenza tas-sjieda tal-midja u tal-finanzjament tal-midja, inkluż li l-informazzjoni dwarha ssir disponibbli għall-pubbliku, kif ukoll għall-ħolqien ta’ ambjent li jippermetti lill-midja indipendenti u investigattiva taċċessa l-finanzjament u topera b’mod sikur; |
|
43. |
Jikkundanna l-ftuħ ta’ uffiċċju ta’ RT (li qabel kienet ir-Russia Today) f’Belgrad u t-tnedija tas-servizz tal-aħbarijiet online tiegħu fis-Serbja flimkien max-xandir internazzjonali bl-Ingliż diġà disponibbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jiġġieldu kontra t-theddid ibridu u jallinjaw bis-sħiħ mad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sospensjoni tal-attivitajiet tax-xandir ta’ Sputnik u RT; jitlob li jitwarrab ir-rappurtar favur ir-Russja fl-ispettru kollu tal-midja, fl-ispirtu tad-dedikazzjoni tas-Serbja biex tintegra fl-UE; |
|
44. |
Jinsab imħasseb ħafna dwar it-tixrid ta’ diżinformazzjoni dwar il-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna; jitlob lill-awtoritajiet Serbi jieħdu pożizzjoni attiva kontra d-diżinformazzjoni u ma jikkontribwixxux għat-tixrid ta’ diżinformazzjoni, kif ukoll jiġġieldu kontra l-aħbarijiet foloz l-aktar ċirkolati; huwa ferm attent għall-fatt li l-pajjiżi ta’ adeżjoni mal-UE fil-Balkani tal-Punent qed jintlaqtu partikolarment ħażin minn attakki fil-forma ta’ indħil barrani u kampanji ta’ diżinformazzjoni li ġejjin mir-Russja u miċ-Ċina; jinsab allarmat li l-Ungerija u s-Serbja qed jgħinu liċ-Ċina u lir-Russja bl-objettivi ġeopolitiċi tagħhom; jitlob lis-Serbja tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni, inklużi narrattivi manipulattivi kontra l-UE u kampanji ta’ diżinformazzjoni sponsorjati mill-istat immirati lejn iċ-ċaqliq tal-preferenzi politiċi; jappella lill-UE żżid il-kooperazzjoni mas-Serbja biex issaħħaħ ir-reżiljenza demokratika u tiġġieled it-theddid ibridu, inkluż fl-oqsma taċ-ċibersigurtà, filwaqt li tipproteġi l-infrastruttura kritika u s-sigurtà tal-ikel u tal-enerġija; |
|
45. |
Jinnota li xi strumenti tal-midja, b’mod partikolari x-xandara privati qrib il-gvern, huma s-sors ewlieni tan-narrattivi kontra l-UE u favur ir-Russja fis-Serbja u kkontribwew biex inaqqsu l-appoġġ pubbliku għall-adeżjoni tal-Serbja mal-UE; jisħaq li attitudni tolleranti lejn influwenzi esterni malinni jista’ jkollha konsegwenzi negattivi serji fuq il-prospetti tas-Serbja ta’ integrazzjoni fl-UE; jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) isaħħaħ l-impenn tiegħu dwar l-indirizzar ta’ theddid ta’ indħil barrani u manipulazzjoni tal-informazzjoni, u jkompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu fuq il-bini tar-reżiljenza tar-reġjun, billi jrawwem il-professjonaliżmu fil-midja u l-litteriżmu fil-midja li jikkontribwixxu wkoll biex jiżdied l-impatt tal-komunikazzjoni strateġika dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent b’mod ġenerali u l-proċess ta’ tkabbir b’mod partikolari; jitlob lill-awtoritajiet Serbi jingħaqdu ma’ dawn l-isforzi mmexxija mill-UE; |
|
46. |
Jinsab imħasseb ħafna dwar it-tentattivi rrappurtati mill-Grupp Wagner biex imexxi kampanji ta’ reklutaġġ fis-Serbja; jinnota li l-Kodiċi Kriminali tas-Serbja jipprojbixxi liċ-ċittadini milli jipparteċipaw fi gwerer barranin; jinnota l-kundanna tal-awtoritajiet Serbi ta’ tali tentattivi u jitlob lill-awtoritajiet Serbi jimmonitorjaw u jipprevjenu liċ-ċittadini Serbi milli jingħaqdu mal-Grupp Wagner u milli jipparteċipaw fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; |
|
47. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jindirizzaw in-nuqqas ta’ pluraliżmu politiku fix-xandar tas-servizz pubbliku, kif ukoll fl-ispettru kollu tal-midja; jiddispjaċih għall-fatt li l-pluraliżmu kien preżenti biss matul il-kampanja elettorali; jesprimi tħassib dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-midja u l-pjan ta’ azzjoni relatat; iħeġġeġ l-implimentazzjoni rapida tagħhom; iħeġġeġ lill-gvern iżid it-trasparenza tas-sjieda u l-finanzjament tal-midja u jiżgura l-indipendenza tal-Awtorità Regolatorja għall-Midja Elettronika (REM); ifakkar li s-sjieda tal-midja għandha tkun kwistjoni ta’ skrutinju pubbliku u jappella biex issir investigazzjoni indipendenti dwar il-finanzjament tal-midja; |
|
48. |
Jissottolinja l-importanza li jittejbu l-funzjonament u l-indipendenza tar-REM f’konformità mal-IPD; jitlob lill-Assemblea Nazzjonali Serba tiżgura li l-korpi regolatorji indipendenti jingħataw is-setgħa li jeżerċitaw ir-rwoli ta’ sorveljanza tagħhom b’mod effettiv billi jappoġġaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-korpi regolatorji indipendenti; |
|
49. |
Jinnota l-fatt li r-REM tat erba’ frekwenzi nazzjonali lil stazzjonijiet li għandhom storja ta’ ksur tal-istandards ġurnalistiċi, inkluż l-użu ta’ diskors ta’ mibegħda u li jiżgwidaw lill-pubbliku, b’mod partikolari minn Happy TV, nuqqas ta’ konformità mat-twissijiet maħruġa mir-REM, u t-tixrid tad-diżinformazzjoni u l-appoġġ għan-narrattiva tal-Kremlin dwar il-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna; jinnota s-sejħa miftuħa l-ġdida għall-allokazzjoni ta’ frekwenzi u liċenzji televiżivi nazzjonali, u jappella biex il-ħames liċenzja tingħata permezz ta’ proċess trasparenti u imparzjali mingħajr dewmien bla bżonn u f’konformità mal-istandards internazzjonali tal-libertà tal-midja; |
|
50. |
Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-pożizzjoni dominanti fis-suq ta’ Telekom Srbija, fejn l-azzjonist maġġoritarju huwa l-istat, u dwar l-allegazzjonijiet li l-partit fil-gvern qed jużaha biex iżid l-influwenza tiegħu fuq is-suq tal-midja fis-Serbja; jinsab imħasseb ukoll dwar il-kundizzjonijiet ekwi f’dak li għandu x’jaqsam mal-ambjent kompetittiv tas-suq tal-midja; f’dan il-kuntest, jissottolinja l-importanza tal-avvanzi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE; jinsab imħasseb dwar kwalunkwe finanzjament mill-istat ta’ Telekom Srbija, li jagħti lill-kumpanija vantaġġ kompetittiv inġust u jikkontribwixxi għall-kundizzjoni li qed tonqos tal-midja indipendenti fis-Serbja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina s-self tal-Bank Ewropew tal-Investiment ta’ EUR 70 miljun lil Telekom Srbija fid-dawl tal-allegat abbuż tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq; |
|
51. |
Iħeġġeġ lis-Serbja tiżgura l-indipendenza finanzjarja u operattiva sħiħa tar-regolaturi għall-komunikazzjoni elettronika u s-servizzi postali (RATEL) u biex il-midja elettronika (REM) tagħti spinta lill-kapaċità tagħhom li jaħdmu b’mod proattiv; jitlob lis-Serbja tallinja mal-kodiċi għall-komunikazzjoni elettronika tal-UE, tiżgura l-kompetittività u l-aċċess tal-operaturi tas-suq għall-infrastruttura tal-komunikazzjoni elettronika; |
|
52. |
Jissottolinja l-importanza ta’ qafas li jippermetti lill-OSĊ joperaw b’mod ħieles u jipparteċipaw fit-tfassil tal-politika b’modi inklużivi u sinifikattivi; ifaħħar il-ħidma tal-Konvenzjoni Nazzjonali bħala strument effiċjenti f’dan ir-rigward; jilqa’ l-adozzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għal Ambjent Abilitanti għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili u l-pjan ta’ azzjoni li jakkumpanjaha għall-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u jappella għall-implimentazzjoni tagħha mingħajr dewmien; |
|
53. |
Jilqa’ s-soċjetà ċivili dinamika u pluralistika tas-Serbja; ifaħħar lill-Gvern għall-adozzjoni ta’ “Linji Gwida dwar l-inklużjoni tal-OSĊ fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet”; jitlob lill-Gvern Serb iżid il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili, u jinvolvi lis-soċjetà ċivili b’mod ġenwin fi proċess leġiżlattiv trasparenti minn stadju bikri ’l quddiem; |
|
54. |
Jikkundanna bil-qawwa l-kampanji ta’ malafama u l-attakki kontra l-OSĊ, li jippreżentawhom bħala tradituri u għedewwa tal-istat; jiddispjaċih, barra minn hekk, dwar l-attakki verbali u l-kampanji ta’ malafama kontra avversarji politiċi; itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ progress rigward il-każ “List” u jitlob lill-Amministrazzjoni Serba għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus tal-Ministeru tal-Finanzi tas-Serbja tiċċara bis-sħiħ dawn l-investigazzjonijiet u ssolvi s-sitwazzjoni għall-OSĊ u l-istrumenti tal-midja kkonċernati; |
|
55. |
Jinsab imħasseb dwar l-attakki bla bażi fir-rigward tan-negozjati li għaddejjin dwar din ir-riżoluzzjoni |
|
56. |
Jilqa’ r-rappreżentanza aktar b’saħħitha tal-minoranzi nazzjonali fil-parlament il-ġdid; jitlob lill-membri parlamentari eletti ġodda kollha jiżguraw li d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali jkunu protetti u li l-leġiżlazzjoni rilevanti tiġi implimentata fil-prattika; jilqa’ l-ħatra ta’ ministri mill-minoranzi nazzjonali u l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet regolari għall-kunsilli nazzjonali tal-minoranzi f’Novembru 2022; |
|
57. |
Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-vjolenza minn gruppi estremisti u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw it-trattament nondiskriminatorju tal-minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali u gruppi vulnerabbli oħra, u biex jiżguraw l-ipproċessar malajr ta’ investigazzjonijiet u kundanni għal reati instigati mill-mibegħda u każijiet ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa, il-minoranzi etniċi, il-komunità LGBTIQ, ir-rifuġjati, il-persuni spostati u l-persuni b’diżabilità; |
|
58. |
Jitlob lill-Gvern Serb jirrispetta d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali f’konformità sħiħa mal-prinċipji u l-leġiżlazzjoni tal-UE, u jiżgura l-użu xieraq tal-lingwi rispettivi tagħhom u jissodisfa l-ħtiġijiet edukattivi tagħhom; jinnota li għandu jsir aktar biex il-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni tiġi implimentata b’mod attiv; |
|
59. |
Jitlob lis-Serbja tiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali, inkluż l-aċċess għall-edukazzjoni, l-informazzjoni u s-servizzi reliġjużi fil-lingwi ta’ minoranza, kif ukoll rappreżentanza adegwata fl-amministrazzjoni pubblika, f’konformità mal-istandards rilevanti Ewropej; Jitlob lis-Serbja tipproteġi u tippromwovi l-wirt kulturali u t-tradizzjonijiet tal-minoranzi nazzjonali tagħha, b’mod partikolari biex toħloq atmosfera pożittiva għall-edukazzjoni fil-lingwi ta’ minoranza u jiddeplora l-ksur tad-drittijiet tal-minoranzi f’dan il-qasam; jilqa’ l-implimentazzjoni kontinwa tal-Liġi dwar ir-restituzzjoni ta’ proprjetà Lhudija mingħajr eredi, kif ukoll ir-ritorn ta’ proprjetajiet lill-knejjes u lill-komunitajiet reliġjużi; |
|
60. |
Itenni t-talbiet tiegħu għal investigazzjoni indipendenti u bir-reqqa dwar l-allegazzjonijiet ta’ abbuż tal-liġi dwar ir-residenza taċ-ċittadini u l-“passivizzazzjoni” tal-indirizzi residenzjali taċ-ċittadini ta’ etniċità Albaniża fiċ-ċentru u fin-Nofsinhar tas-Serbja, u jitlob lill-awtoritajiet Serbi jwaqqfu l-prattiki diskriminatorji u l-attakki kollha; |
|
61. |
Jitlob lill-Gvern Serb ikun aktar impenjat favur il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali; jinsab imħasseb dwar il-proġetti ta’ żvilupp mhux xierqa u mhux sostenibbli li jaffettwaw l-ensemble protett tal-Fortizza ta’ Belgrad li diġà tqiegħed fuq il-lista Europa Nostra tas-siti ta’ wirt kulturali l-aktar fil-periklu, u jitlob lill-gvern jiżgura l-protezzjoni fil-pront u komprensiva tiegħu; |
|
62. |
Jilqa’ l-adozzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Istrateġija għall-Prevenzjoni u l-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni, iżda jinnota li d-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandhom jiġu indirizzati aktar, inkluża l-vjolenza verbali fl-Assemblea Nazzjonali; jitlob lill-gvern jadotta l-pjan ta’ azzjoni u l-finanzjament li ilhom li kellhom isiru għall-istrateġija relatata mal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika; iħeġġeġ lis-Serbja taħtar il-membri tal-korp għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri tal-gvern abbażi ta’ rekord kredibbli; |
|
63. |
Jappella għal rispons aktar komprensiv għall-vjolenza kollha kontra n-nisa, kif kopert mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul; |
|
64. |
Jilqa’ l-organizzazzjoni tal-ewwel marċ EuroPride li qatt sar fix-Xlokk tal-Ewropa, li sar f’Belgrad; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-komunikazzjoni kontradittorja u mhux ċara tal-awtoritajiet Serbi, inkluża l-projbizzjoni inizjali fuq il-marċ; jikkundanna l-vilifikazzjoni tal-organizzaturi u l-parteċipanti tal-EuroPride minn xi membri tal-gvern u xi midja li jirrapportaw b’mod favorevoli dwar il-gvern; jiddeplora l-attakki verbali u t-theddid kollha kontra l-organizzaturi u l-parteċipanti tal-EuroPride fil-ġimgħat li wasslu għall-avveniment; jinnota bi tħassib li l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni u l-pieni għad-diskors ta’ mibegħda, it-theddid u l-attakki kontra membri tal-komunità LGBTIQ spiss ma jkunux adegwati, u jappella għal aktar miżuri biex jiġu miġġielda r-reati ta’ mibegħda kontra l-persuni LGBTIQ; jappella biex l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Unjonijiet bejn Persuni tal-Istess Sess jiġi ppreżentat lill-parlament; |
|
65. |
Itenni t-talba tiegħu għall-intensifikazzjoni tal-isforzi biex il-gruppi ta’ minoranza jingħataw opportunitajiet indaqs u biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ jiġu protetti aħjar; jappella għal appoġġ mill-gvern għall-Pride ta’ Belgrad tal-2023 u biex jiġu żgurati l-ippjanar u l-organizzazzjoni bla xkiel tagħha, kif ukoll is-sikurezza u l-benessri tal-parteċipanti fl-avvenimenti tal-Pride futuri kollha f’Belgrad; |
|
66. |
Jinnota l-ħtieġa li s-Serbja tagħmel aktar sforzi biex telimina t-traffikar ta’ bnedmin; iħeġġeġ lill-gvern jadotta l-pjan ta’ azzjoni nazzjonali 2021–2022 għall-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-prevenzjoni u t-trażżin tat-traffikar ta’ bnedmin; itenni li s-Serbja jeħtiġilha ttejjeb l-allinjament tagħha mal-liġijiet tax-xogħol tal-UE, anke fid-dawl tal-allegat xogħol furzat u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u tat-traffikar, fil-fabbrika Ċiniża Linglong; |
|
67. |
Jilqa’ l-adozzjoni ta’ protokoll ġenerali ġdid għall-protezzjoni tat-tfal mill-abbuż u n-negliġenza; iħeġġeġ lis-Serbja ttejjeb is-sitwazzjoni tat-tfal kollha, b’mod partikolari dawk minn gruppi vulnerabbli u b’diżabilità; jappella għall-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni nazzjonali għad-drittijiet tat-tfal, peress li dak preċedenti skada fl-2015, u biex tiġi emendata l-Liġi tal-Familja tagħha bl-għan li tipprojbixxi b’mod espliċitu l-piena korporali tat-tfal fil-familja u tipprojbixxi ż-żwieġ tat-tfal; |
|
68. |
Jinsab imħasseb dwar il-ksur tad-drittijiet tat-tfal f’istituzzjonijiet fuq skala kbira għat-tfal b’diżabilità, minkejja li għadd relattivament żgħir ta’ tfal tqiegħdu f’kura istituzzjonali; jikkundanna l-fatt li n-nisa b’diżabilità f’istituzzjonijiet residenzjali għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ forom speċifiċi ta’ vjolenza; jilqa’ l-fatt li s-Serbja adottat strateġija dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni f’Jannar 2022 u jappella għall-implimentazzjoni malajr u t-tlestija tad-deistituzzjonalizzazzjoni; |
|
69. |
Jilqa’ l-adozzjoni mis-Serbja ta’ Liġi dwar ir-residenti temporanji tal-kura soċjali, li tkompli tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità; |
|
70. |
Jilqa’ l-adozzjoni ta’ strateġiji ġodda kontra d-diskriminazzjoni u l-inklużjoni tar-Rom, kif ukoll pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-inklużjoni tar-Rom, u jappella għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom; jiddeplora l-istrumentalizzazzjoni u l-ksur tad-drittijiet ċivili tal-gruppi vulnerabbli, b’mod partikolari l-komunità Rom, fil-perjodu ta’ qabel l-elezzjoni u matul l-elezzjonijiet; |
Rikonċiljazzjoni u relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat
|
71. |
Itenni li r-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali huma elementi essenzjali tal-proċess ta’ tkabbir. jinnota l-impenn tas-Serbja f’inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali u l-isforzi li saru fit-titjib tar-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat; jesprimi tħassib dwar inizjattivi reġjonali mhux inklużivi bħall-Inizjattiva Balkani Miftuħa; jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati ftehimiet bilaterali u li jiġu solvuti kwistjonijiet bilaterali miftuħa, u jħeġġeġ lis-Serbja żżid l-isforzi ta’ rikonċiljazzjoni tagħha u tadotta u timplimenta miżuri li jikkontribwixxu b’mod attiv biex jissolvew il-kwistjonijiet bilaterali miftuħa; jikkundanna bil-qawwa ċ-ċaħdiet pubbliċi mifruxa ta’ verdetti internazzjonali għal delitti tal-gwerra u jissottolinja li ma hemm l-ebda post għaċ-ċaħda tal-ġenoċidju, inkluż iċ-ċaħda tal-ġenoċidju fi Srebrenica jew il-glorifikazzjoni tal-kriminali tal-gwerra f’pajjiż kandidat, u jisħaq li tali prattiki mhumiex konformi mal-progress fit-triq lejn l-Ewropa; jiddispjaċih għall-fatt li għadd ta’ partiti politiċi Serbi, inkluż fil-livell ministerjali, komplew jipprovdu appoġġ u spazju pubbliku għall-kriminali tal-gwerra kkundannati, inklużi Veselin Šljivančanin, Dragoljub Ojdanić u Nikola Šainović, li huma qrib il-partiti fil-gvern fis-Serbja; |
|
72. |
Jilqa’ l-parteċipazzjoni tas-Serbja fis-summit inawgurali tal-Komunità Politika Ewropea fi Praga fis-6 ta’ Ottubru 2022; jiddispjaċih, madankollu, għan-nuqqas ta’ rappreżentanza fil-Pjattaforma tal-Krimea; |
|
73. |
Jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali dwar id-delitti tal-gwerra u l-persuni nieqsa u jħeġġeġ lis-Serbja tindirizza l-kwistjoni tal-persuni nieqsa u tagħti riżultati konvinċenti fil-prosekuzzjoni tal-awturi tad-delitti tal-gwerra, ir-restituzzjoni tat-teżori kulturali misruqa u l-identifikazzjoni tal-oqbra tal-massa, u timplimenta l-istrateġija nazzjonali l-ġdida għall-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra; jitlob lill-awtoritajiet Serbi jiksbu ġustizzja għall-vittmi billi jirrikonoxxu u jirrispettaw il-verdetti tal-qorti dwar id-delitti tal-gwerra, filwaqt li jiġġieldu kontra l-impunità għal delitti mwettqa matul il-gwerra; jilqa’ d-Dikjarazzjoni dwar il-Persuni Neqsin adottata fit-2 ta’ Mejju 2023 fil-kuntest tad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u jappella għall-implimentazzjoni tagħha; jappella biex ikun hemm trasparenza u inklużività fir-rappurtar dwar l-implimentazzjoni; jappella biex ikun hemm aderenza mal-prattiki u r-regoli stabbiliti tad-dritt internazzjonali, inkluż f’tentattivi biex il-qrati Serbi jingħataw ġuriżdizzjoni universali fuq id-delitti tal-gwerra fit-territorju tal-Eks Jugoslavja; |
|
74. |
Itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva biex titwaqqaf il-kummissjoni reġjonali għall-istabbilment tal-fatti dwar id-delitti tal-gwerra u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fl-Eks Jugoslavja (RECOM); |
|
75. |
Itenni li s-Serbja jeħtiġilha tirrispetta l-integrità u s-sovranità sħiħa tal-pajjiżi ġirien kollha u jeħtiġilha toqgħod lura milli tinfluwenza l-politiċi domestiċi tagħhom; jikkundanna bil-qawwa l-preżenza ripetuta ta’ uffiċjali għolja tal-gvern Serb fiċ-ċelebrazzjonijiet illegali ta’ jum ir-Republika Srpska fil-Bożnija-Ħerzegovina, bl-għan li jimminaw is-sovranità tal-pajjiż; |
|
76. |
Jitlob lill-awtoritajiet f’Belgrad isegwu l-eżempju pożittiv ta’ xi wħud mill-pajjiżi ġirien tas-Serbja li huma membri tal-UE u jisħaq fuq il-progress li dawn in-nazzjonijiet kisbu minn mindu saru membri tal-Unjoni, peress li dan jista’ jipprovdi inċentiv għall-approfondiment tal-kooperazzjoni; jilqa’ t-titjib reċenti fir-relazzjonijiet bilaterali bejn is-Serbja u l-Kroazja u l-ħatra ta’ ministru għad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi u d-djalogu soċjali mill-minoranza Kroata; |
|
77. |
Jappella biex jingħelbu r-rikonċiljazzjoni storika u d-diskriminazzjoni u l-preġudizzji mill-passat komunista; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet biex jindirizzaw il-wirt tas-servizzi sigrieti Komunisti preċedenti billi jagħmlu l-fajls tagħhom miftuħa għall-pubbliku, b’mod partikolari dawk tas-servizz sigriet tal-Eks Jugoslavja (UDBA) u tas-Servizz tal-Counter-intelligence tal-Armata tal-Poplu tal-Jugoslavja (KOS); jappella biex dawn l-arkivji jintbagħtu lura lill-gvernijiet rispettivi tal-istati suċċessuri jekk huma jitolbuhom; |
|
78. |
Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina, Miroslav Lajčák; jitlob lis-Serbja u lill-Kosovo jimpenjaw ruħhom f’dan id-djalogu b’rieda tajba u fl-ispirtu ta’ kompromess biex jintlaħaq ftehim komprensiv u legalment vinkolanti dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom, abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, skont id-dritt internazzjonali u mingħajr aktar dewmien; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa, u b’rieda tajba u fil-mument opportun, tal-ftehimiet rilevanti kollha, inkluż l-istabbiliment tal-Assoċjazzjoni/Komunità tal-Muniċipalitajiet b’Maġġoranza Serba; jemmen li soluzzjoni finali u komprensiva se ssaħħaħ il-kooperazzjoni, l-istabbiltà u l-prosperità fir-reġjun usa’; |
|
79. |
Jitlob liż-żewġ naħat juru tmexxija u jkunu lesti li jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa li jwasslu għal progress fid-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn is-soċjetajiet tagħhom; jissottolinja li l-ambjent ġeopolitiku attwali jagħmilha saħansitra aktar imperattiv li jingħelbu l-legati tal-passat u li jsiru negozjati sinifikattivi; |
|
80. |
Jisħaq li n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet hija prijorità u prekundizzjoni għall-adeżjoni taż-żewġ pajjiżi mal-UE; jirrikonoxxi l-impenn akbar miż-żewġ naħat u jħeġġeġ lill-gvernijiet tas-Serbja u tal-Kosovo joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista’ timmina l-fiduċja bejn il-partijiet u tpoġġi f’riskju l-kontinwazzjoni kostruttiva tad-djalogu; ifakkar li n-nuqqas ta’ retorika belliġerenti u approċċ aggressiv tal-politika estera għall-pajjiżi ġirien huwa prekundizzjoni għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet reġjonali; |
|
81. |
Jieħu nota ta’ xi sinjali pożittivi dwar it-tnaqqis tat-tensjonijiet miż-żewġ naħat; jilqa’ l-passi pożittivi lejn l-aċċettazzjoni tal-proposta tal-UE, li hija bażi tajba biex titkompla n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo; iħeġġeġ lis-Serbja ma timblukkax lill-Kosovo milli jsir membru regolari f’organizzazzjonijiet internazzjonali u jitlob liż-żewġ naħat jilqgħu l-proposta tal-UE u jpoġġu l-isforzi kollha tagħhom biex jappoġġawha bil-ħsieb li fl-aħħar tinkiseb soluzzjoni sostenibbli fit-tul; jiddispjaċih ħafna, f’dan il-kuntest, dwar il-vot tas-Serbja fil-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa kontra d-deċiżjoni relatata mal-applikazzjoni tal-Kosovo għall-adeżjoni, bi ksur tal-Ftehim ta’ Ohrid tat-18 ta’ Marzu 2023, kif ukoll il-bojkott tal-elezzjonijiet lokali tal-Kosovo fil-muniċipalitajiet tat-Tramuntana tat-23 ta’ April 2023 orkestrat minn Belgrad, u l-intimidazzjoni tal-politiċi tal-oppożizzjoni Serba f’dan il-kuntest; itenni l-appell tiegħu biex tittejjeb il-kwalità tal-proċess ta’ Djalogu permezz tal-involviment tas-setturi kollha tas-soċjetà u l-parteċipazzjoni tan-nisa, kif ukoll permezz ta’ aktar trasparenza lejn il-pubbliku u l-involviment sinifikattiv tas-soċjetà ċivili; |
|
82. |
Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi, l-azzjonijiet kollha li jipperikolaw l-istabbiltà u jipperikolaw il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni; jinsab imħasseb ħafna dwar it-tensjonijiet fit-Tramuntana tal-Kosovo u l-isparar inaċċettabbli lejlet il-Milied Ortodoss u diversi inċidenti vjolenti oħra mmirati lejn is-Serbi fil-Kosovo; jikkundanna d-detenzjoni arbitrarja tal-politiku Serb tal-Kosovo Rada Trajković fil-punt ta’ qsim ta’ Merdare f’Diċembru 2022; jappella għal investigazzjonijiet trasparenti u bir-reqqa dwar dawn l-inċidenti u biex l-awturi jinżammu responsabbli; ifakkar fir-responsabbiltà kondiviża għall-paċi u l-istat tad-dritt għan-nies kollha fil-Kosovo; jinsab imħasseb dwar ir-rwol tal-gruppi tal-kriminalità organizzata li joperaw fit-Tramuntana tal-Kosovo u l-allegati rabtiet tagħhom mal-istrutturi tal-istat fis-Serbja; jissottolinja li n-nuqqas ta’ riżoluzzjoni effikaċi tat-tensjonijiet fir-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo jżid ir-riskju ta’ destabbilizzazzjoni fir-reġjun; jilqa’ l-impenn tas-Serbja għall-proċess ta’ normalizzazzjoni; |
|
83. |
Jitlob lill-partijiet fin-negozjati jerġgħu jistabbilixxu l-funzjonament sħiħ tal-istituzzjonijiet kollha u jippermettu l-implimentazzjoni tal-ftehimiet milħuqa fi ħdan id-Djalogu; jitlob lill-awtoritajiet Serbi jinvolvu ruħhom fi djalogu kostruttiv u rispettuż mal-kontropartijiet tagħhom tal-Kosovo; |
|
84. |
Jitlob lill-awtoritajiet Serbi u tal-Kosovo jippromwovu l-kuntatti interpersonali bejn il-komunitajiet lokali sabiex isaħħu d-djalogu u r-rikonċiljazzjoni, inkluż fil-livell mhux governattiv; ifaħħar, f’dan il-kuntest, l-inizjattivi kulturali u taż-żgħażagħ, bħall-festival annwali tal-arti transfruntier Mirëdita, Dobar Dan, li jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-artisti u l-attivisti fil-Kosovo u fis-Serbja; jilqa’ l-ħidma kontinwa tal-OSĊ li jlaqqgħu flimkien iż-żgħażagħ, l-attivisti, il-mexxejja politiċi żgħażagħ u l-ġurnalisti u li jwittu t-triq għal rikonċiljazzjoni fit-tul u fehim reċiproku aħjar bejn iż-żewġ soċjetajiet; iħeġġeġ lill-gvernijiet kemm tal-Kosovo kif ukoll tas-Serbja jinvestu aktar f’korsijiet tal-lingwa u traduzzjonijiet ta’ kontenut kulturali, li jqarrbu l-komunitajiet Serbi u Albaniżi lejn xulxin; jikkundanna t-tkomplija tat-tentattivi tar-Russja li teżerċita influwenza fuq il-Balkani tal-Punent, permezz tal-isfruttament u t-tnissil ta’ firdiet kulturali, etniċi u reliġjużi u d-destabbilizzazzjoni tal-forzi favur id-demokrazija; |
|
85. |
Jilqa’ l-ftehimiet reċenti fil-qafas tal-Proċess ta’ Berlin dwar il-Libertà tal-Moviment b’Karti tal-Identità, dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki tal-Edukazzjoni Għolja, u dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali għal Tobba tal-Mediċina, Dentisti u Arkitetti; iħeġġeġ lill-Parlament Serb jirratifika dawn il-ftehimiet malajr kemm jista’ jkun u jappella għall-implimentazzjoni malajr tagħhom; |
|
86. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu u jinstabu sinerġiji bejn l-inizjattivi tal-UE għar-reġjun, bħall-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR), u inizjattivi multilaterali oħra, bħall-Inizjattiva Adrijatika u Jonika (AII), l-Inizjattiva tal-Ewropa Ċentrali (CEI) u l-Proċess ta’ Berlin; |
Riformi soċjoekonomiċi
|
87. |
Jilqa’ l-progress kontinwu tas-Serbja lejn l-iżvilupp ta’ ekonomija tas-suq li tiffunzjona u li tattira investiment dirett barrani sinifikanti iżda jissottolinja l-fatt li l-ekonomija tal-pajjiż hija mxekkla minn sfidi strutturali li ilhom jeżistu, inklużi dgħufijiet fl-istat tad-dritt; itenni li r-riformi f’dawn l-oqsma fundamentali, kif ukoll l-isforzi biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni, tissaħħaħ it-trasparenza, jissaħħu l-istituzzjonijiet u d-djalogu soċjali, jibqgħu essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku; |
|
88. |
Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu rispettati l-istandards ambjentali, tax-xogħol u soċjali għall-investimenti kollha; jitlob lis-Serbja ttejjeb l-allinjament mal-liġi tax-xogħol tal-UE; |
|
89. |
Jilqa’ l-ftehim tas-Summit ta’ Tirana dwar it-tnaqqis tal-kostijiet tar-roaming bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent mill-1 ta’ Ottubru 2023, bil-ħsieb li, minn hemm ’il quddiem, dawn jitneħħew kompletament; jitlob lill-awtoritajiet, lill-atturi privati u lill-partijiet ikkonċernati kollha jaħdmu biex jilħqu l-miri miftiehma sabiex jinkiseb tnaqqis sostanzjali fit-tariffi tar-roaming għall-iskambju tad-data; |
|
90. |
Jitlob lill-awtoritajiet Serbi jieħdu miżuri biex jiġġieldu d-depopolazzjoni u l-emigrazzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ investimenti fl-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, kif ukoll permezz tad-deċentralizzazzjoni tal-pajjiż billi jinvestu fi bliet ta’ daqs medju; |
|
91. |
Jinnota r-riżultati taċ-ċensiment tal-popolazzjoni tal-2022, li sab tnaqqis fil-popolazzjoni b’495 975 mill-2011; jilqa’ l-inkoraġġiment mill-mexxejja tal-minoranzi biex jipparteċipaw fiċ-ċensiment; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jallokaw drittijiet lill-komunitajiet ta’ minoranza rilevanti abbażi tar-riżultati taċ-ċensiment; jilqa’ l-formazzjoni tal-Ministeru għall-Benessri tal-Familja u d-Demografija; |
|
92. |
Iħeġġeġ lis-Serbja tiżgura li l-politiki soċjali u tal-impjiegi tagħha jkollhom riżorsi finanzjarji u istituzzjonali adegwati; jinnota bi tħassib li jeħtieġ li jsiru sforzi addizzjonali għal investiment fl-iżvilupp soċjoekonomiku tar-reġjuni tal-fruntiera sabiex tiġi evitata d-depopolazzjoni tagħhom; ifakkar li l-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera tal-IPA III jistgħu jintużaw għal dan l-għan; |
|
93. |
Jinsab imħasseb dwar l-investimenti kollha f’setturi strateġiċi fis-Serbja minn pajjiżi terzi malizzjużi, inkluż mir-Russja, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija, u l-investimenti reċenti miċ-Ċina u l-influwenza dejjem tikber tagħhom fuq il-proċessi politiċi, ekonomiċi u ambjentali fir-reġjun, kif ukoll dwar l-għadd akbar ta’ proġetti mwettqa barra mis-sistema regolari tal-akkwist pubbliku permezz ta’ ftehimiet intergovernattivi; jinnota s-sehem dejjem jiżdied fl-investimenti totali fis-Serbja miċ-Ċina, iż-żieda fl-importazzjonijiet miċ-Ċina, kif ukoll il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ippjanat maċ-Ċina; |
|
94. |
Jiddeplora l-fatt li l-atturi barranin, b’mod partikolari l-kumpaniji Ċiniżi, setgħu jibbenefikaw minn standards soċjali u ambjentali aktar baxxi għad-detriment tas-sikurezza tal-popolazzjonijiet lokali; itenni t-tħassib tiegħu dwar id-dipendenza dejjem akbar tas-Serbja fuq it-tagħmir u t-teknoloġiji tad-difiża miċ-Ċina, inkluża sistema ta’ sorveljanza tal-massa f’Belgrad ipprovduta minn Huawei, u dwar l-iskala ta’ self li s-Serbja se jkollha tħallas lura liċ-Ċina; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u lis-sħab li jimplimentaw il-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent jistabbilixxu s-salvagwardji meħtieġa biex jipprevjenu lill-kumpaniji Ċiniżi milli jevitaw ir-regoli ta’ kompetizzjoni ġusta u l-istandards ambjentali u tax-xogħol u jimplimentaw proġetti appoġġati mill-UE jew mill-Bank Ewropew tal-Investiment; jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet Serbi jużaw bis-sħiħ il-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment tal-Unjoni għall-Balkani tal-Punent biex jipprovdu alternattiva sostenibbli għall-investimenti Ċiniżi; |
|
95. |
Ifakkar li l-UE hija l-aktar sieħeb kummerċjali importanti tas-Serbja u li l-proġetti kollha, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, għandhom jappoġġaw l-isforzi tas-Serbja biex tingħaqad mal-UE u tirrispetta l-politiki u r-regoli Ewropej dwar l-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni, l-ambjent, inklużi l-Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali, l-enerġija u t-trasport; iħeġġeġ lis-Serbja tinvesti aktar sforzi fl-istabbiliment tas-Suq Reġjonali Komuni tal-Balkani tal-Punent abbażi tar-regoli tal-UE peress li dan huwa parti mit-tħejjijiet tas-Serbja għar-rekwiżiti tas-suq intern tal-UE; |
|
96. |
Ifakkar fl-assistenza sostanzjali mogħtija mill-UE lill-pajjiż, b’mod partikolari permezz tal-IPA III; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika u jtejbu l-viżibbiltà tal-finanzjament tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja mill-qrib l-użu tal-assistenza finanzjarja tal-UE mill-awtoritajiet Serbi u benefiċjarji oħra, u tiżgura li n-nefqa kollha tal-UE tkun kompletament konformi mal-għanijiet u l-interessi strateġiċi tal-UE stess, kif ukoll tqiegħed enfasi aktar qawwija fuq l-appoġġ għall-OSĊ Serbi u l-midja indipendenti ta’ kwalità; |
|
97. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika marbuta mal-adeżjoni mal-UE u jfakkar li l-awtoritajiet Serbi għandhom jaġixxu f’konformità mad-dikjarazzjonijiet tas-Summit ta’ Brdo u Tirana li jitolbu midja pluralistika bħala komponenti kruċjali ta’ kwalunkwe sistema demokratika li tirrifletti wkoll b’mod preċiż l-appoġġ tal-UE lis-Serbja u ttejjeb il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-UE; jitlob lis-SEAE jsaħħaħ l-isforzi ta’ komunikazzjoni strateġika u l-preżenza tiegħu fir-reġjun billi jistabbilixxi post ta’ stratcom reġjonali li jgħin lis-Serbja tiġġieled l-indħil barrani u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, inkluża d-diżinformazzjoni, li jfittxu li jimminaw l-istabbiltà, il-proċessi demokratiċi u l-perspettiva tal-UE tar-reġjun; |
L-enerġija, l-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli u l-konnettività
|
98. |
Jilqa’ l-pakkett ta’ appoġġ għall-enerġija tal-Kummissjoni ta’ EUR 1 biljun f’għotjiet tal-UE biex jgħin lill-Balkani tal-Punent jegħlbu l-kriżi tal-enerġija u jibnu sistemi tal-enerġija reżiljenti u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent; jilqa’ l-iffirmar tal-appoġġ baġitarju ta’ EUR 165 miljun għall-ġlieda kontra l-kriżi tal-enerġija fis-Serbja; jissottolinja l-importanza li l-fondi tal-pakkett ta’ appoġġ għall-enerġija jiġu diretti biex jappoġġaw lis-Serbja li qed timxi lejn ekonomija effiċjenti fl-enerġija u bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli; jitlob lill-awtoritajiet Serbi jħejju pjan kredibbli għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-pajjiż fuq il-fjuwils fossili Russi u l-investimenti Ċiniżi fis-settur tal-enerġija, u l-bini ta’ sistemi tal-enerġija li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent f’konformità mar-REPowerEU; |
|
99. |
Jilqa’ t-tħabbira li politika ġdida dwar l-enerġija, il-ħarsien tal-ambjent u t-tibdil fil-klima huma fost il-ħames prijoritajiet tal-gvern; itenni t-talba tiegħu lill-gvern biex jadotta u jimplimenta malajr il-pjan nazzjonali integrat dwar l-enerġija u l-klima u biex jiddefinixxi għanijiet ambizzjużi dwar il-klima u l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam, f’konformità mal-għanijiet tan-newtralità klimatika tal-UE u l-Ftehim ta’ Pariġi; jitlob lill-Gvern Serb jintensifika l-isforzi tiegħu fl-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima f’politiki u strateġiji settorjali oħra; |
|
100. |
Jilqa’ l-bidu tal-kostruzzjoni tal-interkonnettur tal-gass bejn is-Serbja u l-Bulgarija u l-miżuri għat-titjib tas-sigurtà tal-enerġija tas-Serbja, u l-ftuħ tas-suq tal-gass tas-Serbja għad-diversifikazzjoni; jilqa’ l-ftehim iffirmat reċentement dwar il-Kuritur tal-Elettriku Trans-Balkan fis-Serbja, parti mill-isforzi tal-UE biex ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija fil-Balkani tal-Punent u parzjalment iffinanzjat mill-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent; |
|
101. |
Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ azzjoni mis-Serbja biex tissepara l-operaturi tat-trażmissjoni tal-gass tagħha, sabiex tagħti aċċess lil partijiet terzi għall-pipeline ta’ interkonnessjoni Horgos, minkejja l-obbligi tagħha skont il-Komunità tal-Enerġija, u n-nuqqas ta’ impenn biex jiġu indirizzati l-problemi ta’ korruzzjoni u l-istat tad-dritt fil-qasam ambjentali; jitlob lill-awtoritajiet Serbi jallinjaw il-Liġi dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali mad-Direttiva tal-2014 dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (12); jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta’ qafas legali xieraq għall-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jipprevjenu l-prattika negattiva tal-ħruġ ta’ permessi għall-bini mingħajr valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali minn qabel; |
|
102. |
Jesprimi tħassib dwar it-tniġġis persistenti tal-arja; jilqa’ l-pjan il-ġdid dwar il-protezzjoni mit-tniġġis tal-arja u jtenni t-talbiet tiegħu lill-awtoritajiet Serbi biex b’mod urġenti jibdew l-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet; itenni t-tħassib tiegħu li diversi postijiet fis-Serbja spiss ikunu fuq il-lista tal-aktar żoni mniġġsa fid-dinja f’termini ta’ kwalità tal-arja, b’mod partikolari fi bliet kbar u żoni industrijali bħal Belgrad, Smederevo, Bor u l-widien ta’ Kolubara u Tamnava; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jieħdu miżuri malajr biex itejbu l-kwalità tal-arja, b’mod partikolari fi bliet kbar u f’żoni industrijali; jissottolinja li l-fjuwils fossili huma żejda f’ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju u jilqa’ l-isforzi mħabbra biex tiġi diversifikata t-taħlita tal-enerġija, tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u tiżdied l-indipendenza enerġetika; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-proġetti ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija mill-faħam iffinanzjati miċ-Ċina u l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u l-kwalità tal-arja; |
|
103. |
Jitlob lill-awtoritajiet Serbi jindirizzaw it-tħassib leġittimu kollu espress fil-protesti ambjentali u t-tħassib dwar l-impatt ambjentali ta’ kostruzzjonijiet u proġetti ġodda ta’ infrastruttura fis-Serbja minn entitajiet Serbi u kumpaniji Ċiniżi, li joħolqu wkoll dipendenzi strateġiċi; jitlob lill-awtoritajiet Serbi jtejbu t-trasparenza u l-valutazzjoni tal-impatt ambjentali ta’ tali proġetti; jitlob lill-awtoritajiet jiżguraw it-trasport sikur tas-sustanzi perikolużi kollha fid-dawl tal-inċident tal-ferrovija qrib Pirot fl-2022; |
|
104. |
Jitlob lill-gvern ikompli jinvesti l-isforzi f’miżuri dwar it-tniġġis tax-xmajjar u jallinja aktar mal-acquis tal-UE dwar il-kwalità tal-ilma u l-protezzjoni tan-natura; jilqa’ l-istabbiliment ta’ Unità Speċjali tal-Pulizija għar-Reati Ambjentali, filwaqt li jitlob li jiżdiedu r-riżorsi u l-kapaċitajiet tagħha; itenni d-dispjaċir tiegħu dwar in-nuqqas ta’ azzjoni dwar it-tniġġis ta’ diversi xmajjar mill-minjieri li joperaw fir-reġjun u l-effett detrimentali fuq is-saħħa tan-nies lokali u l-ambjent; |
o
o o
|
105. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-President, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tas-Serbja. |
(1) ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16.
(2) ĠU L 198, 20.07.2006, p. 18.
(3) ĠU L 198, 20.07.2006, p. 15.
(4) ĠU L 330, 20.9.2021, p. 1.
(5) ĠU C 362, 8.9.2021, p. 129.
(6) ĠU C 47, 7.2.2023, p. 102.
(7) ĠU C 251, 30.6.2022, p. 87.
(8) ĠU C 251, 30.6.2022, p. 124.
(9) ĠU C 347, 9.9.2022, p. 61.
(10) Testi adottati, P9_TA(2022)0406.
(11) Testi adottati, P9_TA(2022)0405.
(12) Id-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li temenda d-Direttiva 2011/92/UE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 124, 25.4.2014, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1065/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)