ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 23

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 66
23ta' Jannar 2023


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

DIKJARAZZJONIJIET KONĠUNTI

 

Il-Parlament Ewropew
Il–Kunsill
Il-Kummissjoni Ewropea

2023/C 23/01

Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2023/C 23/02

Rata tal-kambju tal-euro — L-20 ta' Jannar 2023

8

2023/C 23/03

Transunt tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2022 li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikoli 1 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (Każ C.1887 — Mediaset — Artikolu 265 Stedina ta’ Azzjoni) (notifikat bid-dokument C(2022) 307)  ( 1 )

9

2023/C 23/04

Avviż dwar l-applikazzjoni tas-Sistema tal-Esportaturi Rreġistrati tal-Unjoni Ewropea mill-Kosta tal-Avorju u mill-Madagascar skont il-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika tal-UE u l-Kosta tal-Avorju u skont il-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika tal-UE u l-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, rispettivament

19


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2023/C 23/05

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.10959 – SATS / TEMASEK / PH 243WFS) ( 1 )

20

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2023/C 23/06

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda ta’ termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid f’konformità mal-Artikolu 28(3) u mal-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni 'Landwein', 'Qualitätswein', 'Kabinett/Kabinettwein', 'Spätlese/Spätlesewein', 'Auslese/Auslesewein', 'Strohwein', 'Schilfwein', 'Eiswein', 'Ausbruch/Ausbruchwein', 'Trockenbeerenauslese', 'Beerenauslese/Beerenauslesewein'

22

2023/C 23/07

Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

24


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

DIKJARAZZJONIJIET KONĠUNTI

Il-Parlament Ewropew Il–Kunsill Il-Kummissjoni Ewropea

23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 23/1


Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali

(2023/C 23/01)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jipproklamaw b'mod solenni d-Dikjarazzjoni konġunta li ġejja dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali

Preambolu

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea (UE) hija “unjoni ta’ valuri”, kif hemm minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ibbażata fuq ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Barra minn hekk, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-UE hija bbażata fuq il-valuri indiviżibbli u universali tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà. Il-Karta tafferma mill-ġdid ukoll id-drittijiet kif jirriżultaw, b’mod partikolari, minn obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri.

(2)

It-trasformazzjoni diġitali taffettwa kull aspett tal-ħajja tan-nies. Dan joffri opportunitajiet sinifikanti għal kwalità tal-ħajja aħjar, tkabbir ekonomiku u sostenibbiltà.

(3)

It-trasformazzjoni diġitali tippreżenta wkoll sfidi għas-soċjetajiet demokratiċi tagħna, l-ekonomiji tagħna u għall-individwi. Permezz tal-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali, wasal iż-żmien li l-UE tispjega kif il-valuri u d-drittijiet fundamentali tagħha li huma applikabbli offline għandhom jiġu applikati fl-ambjent diġitali. It-trasformazzjoni diġitali ma għandhiex tinvolvi r-rigressjoni tad-drittijiet. Dak li huwa illegali offline huwa illegali online. Din id-Dikjarazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-“politiki offline”, bħall-aċċess għal servizzi pubbliċi ewlenin offline.

(4)

Għal bosta drabi, il-Parlament appella għall-istabbiliment ta’ prinċipji etiċi li jiggwidaw l-approċċ tal-UE għat-trasformazzjoni diġitali, kif ukoll jiżguraw il-konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali bħall-protezzjoni tad-data, id-dritt għall-privatezza, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u l-prinċipji bħall-protezzjoni tal-konsumaturi, in-newtralità teknoloġika u tal-internet, l-affidabbiltà u l-inklużività. Appella wkoll għal protezzjoni msaħħa tad-drittijiet tal-utenti fl-ambjent diġitali, kif ukoll għad-drittijiet tal-ħaddiema għall-iskonnessjoni (1).

(5)

Abbażi ta’ inizjattivi preċedenti bħad-“Dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar il-Gvern Elettroniku” u d-“Dikjarazzjoni ta’ Berlin dwar Soċjetà Diġitali u Gvern Diġitali Bbażat fuq il-Valuri”, l-Istati Membri appellaw, permezz tad-“Dikjarazzjoni ta’ Liżbona – id-Demokrazija Diġitali bi Skop”, għal mudell ta’ trasformazzjoni diġitali li ssaħħaħ id-dimensjoni umana tal-ekosistema diġitali bis-Suq Uniku Diġitali fil-qalba tagħha. L-Istati Membri appellaw għal mudell ta’ trasformazzjoni diġitali li tiżgura li t-teknoloġija tgħin biex tiġi indirizzata l-ħtieġa li tittieħed azzjoni dwar il-klima u jitħares l-ambjent.

(6)

Il-viżjoni tal-UE għat-trasformazzjoni diġitali tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru, tagħti s-setgħa lill-individwi u trawwem negozji innovattivi. Id-Deċiżjoni dwar il-“Perkors għad-Deċennju Diġitali 2030” tagħti l-miri diġitali konkreti abbażi ta’ erba’ punti kardinali (il-ħiliet diġitali, l-infrastrutturi diġitali, id-diġitalizzazzjoni tan-negozji u tas-servizzi pubbliċi). L-approċċ tal-UE għat-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet u l-ekonomija tagħna jiġbor fih partikolarment is-sovranità diġitali b’mod miftuħ, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, l-inklużjoni, l-aċċessibbiltà, l-ugwaljanza, is-sostenibbiltà, ir-reżiljenza, is-sigurtà, it-titjib fil-kwalità tal-ħajja, id-disponibbiltà tas-servizzi u r-rispett tad-drittijiet u tal-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd. It-trasformazzjoni għandha tikkontribwixxi għal ekonomija u soċjetà li jkunu dinamiċi, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ġusti fl-UE.

(7)

Din id-Dikjarazzjoni tispjega intenzjonijiet u impenji politiċi komuni, u tfakkar fl-aktar drittijiet rilevanti fil-kuntest tat-trasformazzjoni diġitali. Id-Dikjarazzjoni għandha tiggwida lil dawk li jfasslu l-politika meta jirriflettu fuq il-viżjoni tagħhom tat-trasformazzjoni diġitali: trasformazzjoni diġitali li tpoġġi n-nies fil-qalba tagħha; tappoġġa s-solidarjetà u l-inklużjoni, permezz tal-konnettività, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet diġitali, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u ekwi kif ukoll aċċess għas-servizzi pubbliċi diġitali online; ittenni l-importanza tal-libertà tal-għażla fl-interazzjonijiet b’algoritmi u sistemi tal-intelliġenza artifiċjali u ambjent diġitali ġust; trawwem il-parteċipazzjoni fi spazju pubbliku diġitali; iżżid is-sikurezza, is-sigurtà u l-awtonomizzazzjoni fl-ambjent diġitali, b’mod partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ, filwaqt li jiġu żgurati l-privatezza u l-kontroll individwali fuq id-data; u tippromwovi s-sostenibbiltà. Id-diversi kapitoli ta’ din id-Dikjarazzjoni għandhom jiffurmaw qafas ta’ riferiment olistiku u m’għandhomx jinqraw għalihom.

(8)

Din id-Dikjarazzjoni għandha sservi wkoll ta’ punt ta’ riferiment għan-negozji u atturi rilevanti oħra meta jiżviluppaw u jużaw teknoloġiji ġodda. Il-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni hija importanti f’dan ir-rigward. Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali lill-SMEs u lin-negozji ġodda.

(9)

Il-funzjonament demokratiku tas-soċjetà u tal-ekonomija diġitali għandu jkompli jissaħħaħ, b’rispett sħiħ tal-istat tad-dritt, rimedji effettivi u l-infurzar tal-liġi. Din id-Dikjarazzjoni ma taffettwax il-limiti legali fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet, sabiex jiġu rikonċiljati mal-eżerċizzju ta’ drittijiet oħra, jew restrizzjonijiet meħtieġa u proporzjonati fl-interess pubbliku.

(10)

Din id-Dikjarazzjoni hija bbażata speċjalment fuq id-dritt primarju tal-UE, b’mod partikolari fuq it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq il-leġiżlazzjoni sekondarja u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija bbażata wkoll fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tikkomplementah. Għandha natura dikjaratorja u, għaldaqstant, ma taffettwax il-kontenut tan-normi ġuridiċi jew l-applikazzjoni tagħhom.

(11)

L-UE għandha tippromwovi d-Dikjarazzjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u ma’ pajjiżi terzi, fost l-oħrajn billi tirrifletti dawn id-drittijiet u prinċipji fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha, bl-ambizzjoni li l-prinċipji jiggwidaw lis-sħab internazzjonali lejn trasformazzjoni diġitali li fid-dinja kollha tpoġġi lin-nies u d-drittijiet tal-bniedem universali tagħhom fil-qalba tagħha. Id-Dikjarazzjoni għandha b’mod partikolari sservi ta’ riferiment għall-attivitajiet fil-kuntest ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-kisba tal-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, kif ukoll l-approċċ b’diversi partijiet ikkonċernati għall-governanza tal-internet.

(12)

Il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni huma impenn politiku u responsabbiltà komuni għall-UE u għall-Istati Membri tagħha skont il-kompetenzi rispettivi u f’konformità sħiħa mad-dritt tal-UE. Il-Kummissjoni ser tirrapporta lura regolarment lill-Parlament u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iqisu l-prinċipji u d-drittijiet diġitali kif stabbiliti f’din id-Dikjarazzjoni meta jikkooperaw bil-ħsieb li jiksbu l-objettivi ġenerali li jinsabu fid-Deċiżjoni dwar il-“Perkors għad-Deċennju Diġitali 2030”.

Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali

Il-mira tagħna hi li nippromwovu approċċ Ewropew għat-trasformazzjoni diġitali, li tpoġġi lin-nies fil-qalba tagħha, tibni fuq il-valuri Ewropej u d-drittijiet fundamentali tal-UE, tafferma mill-ġdid id-drittijiet fundamentali universali tal-bniedem, u tkun ta' benefiċċju għall-individwi u n-negozji kollha, u għas-soċjetà fl-intier tagħha.

Għaldaqstant niddikjaraw:

KAPITOLU I

In-nies jitqiegħdu fil-qalba tat-trasformazzjoni diġitali

1.

In-nies huma l-qalba tat-trasformazzjoni diġitali fl-Unjoni Ewropea. It-teknoloġija għandha sservi u tkun ta’ benefiċċju għan-nies kollha li jgħixu fl-UE, u għandha tagħtihom is-setgħa biex isegwu l-aspirazzjonijiet tagħhom, b’sigurtà sħiħa u b’rispett għad-drittijiet fundamentali tagħhom.

Nikkommettu ruħna li:

a)

insaħħu l-qafas demokratiku għal trasformazzjoni diġitali li tkun ta' benefiċċju għal kulħadd u ttejjeb il-ħajja tan-nies kollha li jgħixu fl-UE;

b)

nieħdu l-miżuri meħtieġa biex niżguraw li l-valuri tal-UE u d-drittijiet tal-individwi kif inhuma rikonoxxuti mid-dritt tal-UE jiġu rispettati kemm online u kif ukoll offline;

c)

inrawmu u niżguraw azzjoni responsabbli u diliġenti mill-atturi kollha, pubbliċi u privati, fl-ambjent diġitali;

d)

nippromwovu attivament din il-viżjoni tat-trasformazzjoni diġitali, anke fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħna.

KAPITOLU II

Solidarjetà u inklużjoni

2.

It-teknoloġija għandha tintuża biex tgħaqqad in-nies u mhux biex tifridhom. It-trasformazzjoni diġitali għandha tikkontribwixxi għal soċjetà u ekonomija ġusti u inklużivi fl-UE.

Nikkommettu ruħna li:

a)

niżguraw li d-disinn, l-iżvilupp, il-varar u l-użu ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, jippermettu l-eżerċizzju tagħhom u jippromwovu s-solidarjetà u l-inklużjoni;

b)

ikollna trasformazzjoni diġitali fejn ħadd ma jitħalla jibqa' lura. Għandha tkun ta' benefiċċju għal kulħadd, twassal għal bilanċ bejn il-ġeneri, u tinkludi speċjalment lill-persuni kbar fl-età, nies li jgħixu f'żoni rurali, persuni b'diżabbiltà, jew persuni emarġinati, vulnerabbli jew mingħajr id-dritt tal-vot, u lil dawk li jaġixxu f'isimhom. Għandha tippromwovi wkoll id-diversità kulturali u lingwistika;

c)

niżviluppaw oqfsa xierqa sabiex l-atturi tas-suq kollha li jibbenefikaw mit-trasformazzjoni diġitali jassumu r-responsabbiltajiet soċjali tagħhom u, b'mod ġust u proporzjonat, jikkontribwixxu għall-ispiża tal-beni, tas-servizzi u tal-infrastruttura pubbliċi, għall-benefiċċju tan-nies kollha li jgħixu fl-UE.

Konnettività

3.

Kulħadd, kullimkien fl-UE, għandu jkollu aċċess għal konnettività diġitali affordabbli u b’veloċità għolja.

Nikkommettu ruħna li:

a)

niżguraw aċċess għal konnettività ta' kwalità għolja, fejn kulħadd, kullimkien fl-UE, anke dawk b'introjtu baxx, ikunu jistgħu jaċċessaw l-internet;

b)

nipproteġu u nippromwovu internet newtrali u miftuħ, fejn il-kontenut, is-servizzi u l-applikazzjonijiet ma jiġux imblukkati jew degradati mingħajr ġustifikazzjoni.

Edukazzjoni, taħriġ u ħiliet diġitali

4.

Kulħadd għandu d-dritt għall-edukazzjoni, għat-taħriġ u għat-tagħlim tul il-ħajja u għandu jkun jista’ jikseb il-ħiliet diġitali bażiċi u avvanzati kollha.

Nikkommettu ruħna li:

a)

nippromwovu edukazzjoni u taħriġ diġitali ta' kwalità għolja, biex fost l-oħrajn nagħlqu d-distakk diġitali bejn il-ġeneri;

b)

nappoġġaw l-isforzi li jippermettu lill-istudenti u lill-għalliema kollha jiksbu u jaqsmu l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali meħtieġa, inkluż il-litteriżmu fil-media, u l-ħsieb kritiku, biex jieħdu sehem attiv fl-ekonomija, fis-soċjetà u fil-proċess demokratiku;

c)

nippromwovu u nappoġġaw l-isforzi biex ngħammru l-istituzzjonijiet kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ bil-konnettività, l-infrastruttura u l-għodod diġitali;

d)

nagħtu lil kulħadd il-possibbiltà li jaġġusta għall-bidliet li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni tax-xogħol permezz tat-titjib tal-ħiliet u tat-tiġdid tal-ħiliet.

Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u ekwi

5.

Kulħadd għandu d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi, ġusti, tajbin għas-saħħa u sikuri u għal protezzjoni xierqa fl-ambjent diġitali bħal fuq il-post tax-xogħol fiżiku, irrispettivament mill-istatus fl-impjieg tagħhom, jew mill-modalità jew mit-tul tiegħu.

6.

It-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi jaqdu rwol importanti fit-trasformazzjoni diġitali, partikolarment fir-rigward tad-definizzjoni tal-kondizzjonijiet ġusti u ekwi tax-xogħol, inkluż fir-rigward tal-użu tal-għodod diġitali fix-xogħol.

Nikkommettu ruħna li:

a)

niżguraw li kulħadd ikun jista' jiskonnettja u jibbenefika mis-salvagwardji għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata f'ambjent diġitali;

b)

niżguraw li, fl-ambjent tax-xogħol, l-għodod diġitali ma jpoġġu bl-ebda mod is-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema f'riskju;

c)

niżguraw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema fl-ambjent diġitali, inkluż id-dritt tagħhom għall-privatezza u d-dritt ta' assoċjazzjoni, id-dritt ta' negozjar u azzjoni kollettivi, kif ukoll għall-protezzjoni minn sorveljanza illegali u mhux ġustifikata;

d)

niżguraw li l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fuq il-post tax-xogħol tkun trasparenti u ssegwi approċċ ibbażat fuq ir-riskju u li l-miżuri preventivi korrispondenti jittieħdu sabiex iżommu ambjent tax-xogħol sikur u li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa;

e)

niżguraw b'mod partikolari li niggarantixxu s-sorveljanza minn bnedmin tad-deċiżjonijiet importanti li jaffettwaw lill-ħaddiema, u li l-ħaddiema jkunu infurmati b'mod ġenerali li jkunu qed jinteraġixxu ma' sistemi ta' intelliġenza artifiċjali;

Servizzi pubbliċi diġitali online

7.

Kulħadd għandu jkollu aċċess online għal servizzi pubbliċi ewlenin fl-UE. Ħadd ma għandu jintalab jipprovdi data aktar ta’ spiss milli meħtieġ matul l-aċċess u l-użu tas-servizzi pubbliċi diġitali.

Nikkommettu ruħna li:

a)

niżguraw li n-nies kollha li jgħixu fl-UE jiġu offruti l-possibbiltà li jekk iridu jużaw identità diġitali affidabbli, sigura u aċċessibbli li tagħtihom aċċess għal firxa wiesgħa ta' servizzi online;

b)

niżguraw aċċessibbiltà wiesgħa u l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku;

c)

niffaċilitaw u nappoġġaw aċċess interoperabbli, sigur u mingħajr xkiel fl-UE kollha għal servizzi pubbliċi diġitali mfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tan-nies b'mod effikaċi, b'mod partikolari fost l-oħrajn, is-servizzi diġitali tas-saħħa u tal-kura, speċjalment l-aċċess għar-reġistri mediċi elettroniċi.

KAPITOLU III

Libertà tal-għażla

Interazzjonijiet ma' algoritmi u sistemi ta' intelliġenza artifiċjali

8.

L-intelliġenza artifiċjali għandha sservi bħala għodda għan-nies, bl-għan aħħari jkun li jiżdied il-benesseri tal-bniedem.

9.

Kulħadd għandu jkollu s-setgħa li jibbenifika mill-vantaġġi tas-sistemi tal-intelliġenza algoritmika u artifiċjali inkluż b’għażliet proprji informati fl-ambjent diġitali, waqt li kulħadd għandu jkun protett mir-riskji u l-ħsara għas-saħħa, għas-sikurezza u għad-drittijiet fundamentali tiegħu.

Nikkommettu ruħna li:

a)

nippromwovu sistemi tal-intelliġenza artifiċjali li matul l-iżvilupp, il-varar u l-użu tagħhom ikunu etiċi, affidabbli u bin-nies fil-qalba tagħhom, f'konformità mal-valuri tal-UE;

b)

niżguraw livell xieraq ta' trasparenza dwar l-użu tal-algoritmi u l-intelliġenza artifiċjali, u li n-nies ikollhom is-setgħa li jużawhom u li jkunu informati meta jinteraġixxu magħhom;

c)

niżguraw li s-sistemi algoritmiċi jkunu bbażati fuq settijiet ta' data xierqa biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni illegali u jkunu jistgħu jiġu ssorveljati minn bniedem fir-rigward tal-eżiti kollha li jaffettwaw is-sikurezza u d-drittijiet fundamentali tan-nies;

d)

niżguraw li t-teknoloġiji bħall-intelliġenza artifiċjali ma jintużawx biex jiddeterminaw minn qabel l-għażliet tan-nies, pereżempju fir-rigward tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg u l-ħajja privata tagħhom;

e)

nipprevedu salvagwardja u nieħdu l-azzjoni xierqa, fost l-oħrajn billi nippromwovu standards affidabbli, sabiex niżguraw li l-intelliġenza artifiċjali u s-sistemi diġitali jkunu dejjem sikuri u użati b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali;

f)

nieħdu l-miżuri biex niżguraw li r-riċerka fl-intelliġenza artifiċjali tirrispetta l-ogħla standards etiċi u l-liġi rilevanti tal-UE.

Ambjent diġitali ġust

10.

Kulħadd għandu jkun jista’ jagħżel b’mod ħieles u effettiv liema servizzi online juża, abbażi ta’ informazzjoni affidabbli, aċċessibbli faċilment, trasparenti u oġġettiva.

11.

Kulħadd għandu jkollu l-possibbiltà li jikkompeti b’mod ġust u jintroduċi innovazzjonijiet fl-ambjent diġitali. Dan għandu jkun ta’ benefiċċju wkoll għan-negozji, fosthom l-SMEs.

Nikkommettu ruħna li:

a)

niżguraw ambjent diġitali sikur u sigur ibbażat fuq kompetizzjoni ġusta, fejn id-drittijiet fundamentali huma mħarsa, id-drittijiet tal-utenti u l-protezzjoni tal-konsumaturi fis-Suq Uniku Diġitali jkunu żgurati, u r-responsabbiltajiet tal-pjattaformi jkunu ddefiniti tajjeb, speċjalment dawk tal-atturi l-kbar u tal-gwardjani;

b)

nippromwovu l-interoperabbiltà, it-trasparenza, it-teknoloġiji miftuħa u l-istandards bħala mezz biex insaħħu aktar il-fiduċja fit-teknoloġija u l-kapaċità tal-konsumaturi li jagħmlu għażliet infurmati u awtonomi.

KAPITOLU IV

Parteċipazzjoni fi spazju pubbliku diġitali

12.

Kulħadd għandu jkollu aċċess għal ambjent online affidabbli, varjat u multilingwi. L-aċċess għal kontenut varjat jikkontribwixxi għal dibattitu pubbliku pluralistiku u parteċipazzjoni effettiva fid-demokrazija b’mod mhux diskriminatorju.

13.

Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif ukoll għal-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni fl-ambjent diġitali.

14.

Kulħadd għandu jkun jista’ jaċċessa informazzjoni dwar is-sid jew min jikkontrolla s-servizzi tal-media li jkun qed juża.

15.

Il-pjattaformi online, b’mod partikolari l-pjattaformi online kbar ħafna, għandhom jappoġġaw dibattitu demokratiku ħieles online. Minħabba r-rwol li s-servizzi tagħhom jaqdu biex tissawwar l-opinjoni u d-dibattitu pubbliċi, il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom itaffu r-riskji li jinħolqu mill-funzjonament u mill-użu tas-servizzi tagħhom, inkluż fir-rigward ta’ kampanji ta’ miżinformazzjoni u diżinformazzjoni, u jħarsu l-libertà tal-espressjoni.

Nikkommettu ruħna li:

a)

nibqgħu nissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali kollha online, speċjalment id-dritt tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inkluż il-libertà tal-media u l-pluraliżmu;

b)

nappoġġaw l-iżvilupp u l-aħjar użu tat-teknoloġiji diġitali biex nistimulaw l-involviment tan-nies u l-parteċipazzjoni demokratika;

c)

nieħdu miżuri proporzjonati biex nilqgħu għall-forom kollha ta' kontenut illegali b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u mingħajr ma jiġu stabbiliti xi obbligi ta' monitoraġġ ġenerali jew ċensura;

d)

noħolqu ambjent diġitali fejn in-nies ikunu protetti mid-diżinformazzjoni u mill-manipulazzjoni tal-informazzjoni u minn forom oħra ta' kontenut ta' ħsara, fosthom il-molestja u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

e)

nappoġġaw l-aċċess effettiv għall-kontenut diġitali li jirrifletti d-diversità kulturali u lingwistika fl-UE;

f)

nagħtu s-setgħa lill-individwi biex jagħmlu għażliet speċifiċi li jingħatawlhom liberament u nillimitaw l-isfruttament tal-vulnerabbiltajiet u tal-preġudizzji, jiġifieri dak li jseħħ b'pubbliċità mmirata.

KAPITOLU V

Sikurezza, sigurtà u l-għoti tas-setgħa

Ambjent diġitali protett, sikur u mingħajr periklu

16.

Kulħadd għandu jkollu aċċess għal teknoloġiji, prodotti u servizzi diġitali maħsuba biex ikunu sikuri, siguri u protettivi għall-privatezza, li jirriżultaw f’livell għoli ta’ kunfidenzjalità, integrità, disponibbiltà u awtentiċità tal-informazzjoni pproċessata.

Nikkommettu ruħna li:

a)

nieħdu miżuri ulterjuri sabiex nippromwovu t-traċċabbiltà tal-prodotti u niżguraw li fis-Suq Uniku Diġitali jiġu offruti biss prodotti sikuri u konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE;

b)

nipproteġu l-interessi tan-nies, in-negozji u l-istituzzjonijiet pubbliċi mir-riskju għaċ-ċibersigurtà u miċ-ċiberkriminalità, inkluż il-vjolazzjoni tad-data u s-serq jew il-manipulazzjoni tal-identità. Dan jinkludi rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għal prodotti konnessi mqiegħda fis-suq uniku;

c)

niġġieldu kontra dawk li fl-UE jfittxu li jdgħajfu s-sigurtà online u l-integrità tal-ambjent diġitali jew dawk li jippromwovu l-vjolenza u l-mibegħda permezz tal-mezzi diġitali, u nżommuhom responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom.

Privatezza u kontroll individwali fuq id-data

17.

Kulħadd għandu d-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali. Dan id-dritt jinkludi l-kontroll mill-individwi dwar kif tintuża d-data personali tagħhom u ma’ min tiġi kondiviża.

18.

Kulħadd għandu d-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet tiegħu u tal-informazzjoni fuq l-apparat teknoloġiku tiegħu, u ħadd ma għandu jkun soġġetti għal sorveljanza online illegali, traċċar pervażiv illeċitu jew miżuri ta’ interċettazzjoni.

19.

Kulħadd għandu jkun jista’ jiddeċiedi x’wirt diġitali ser iħalli wara mewtu, u x’jiġri mill-kontijiet personali u mill-informazzjoni marbuta magħhom.

Nikkommettu ruħna li:

a)

niżguraw li kulħadd ikollu kontroll effettiv fuq id-data personali u mhux personali f'konformità mar-regoli għall-protezzjoni tad-data tal-UE u mal-liġi rilevanti tal-UE;

b)

niżguraw b'mod effettiv il-possibbiltà għall-individwi li faċilment jgħaddu d-data personali u mhux personali tagħhom minn servizz diġitali online għal ieħor differenti bid-drittijiet għall-portabbiltà;

c)

nipproteġu b'mod effettiv il-komunikazzjonijiet minn aċċess mhux awtorizzat ta' partijiet terzi;

d)

nipprojbixxu l-identifikazzjoni illeċita kif ukoll iż-żamma illegali tar-reġistrazzjoni tal-attività.

Il-protezzjoni u s-setgħa lit-tfal u ż-żgħażagħ fl-ambjent diġitali

20.

It-tfal u ż-żgħażagħ għandu jkollhom is-setgħa li jagħmlu għażliet sikuri u infurmati u jesprimu l-kreattività tagħhom fl-ambjent diġitali.

21.

Il-materjal u s-servizzi xierqa skont l-età għandhom itejbu l-esperjenzi, il-benesseri u s-sehem tat-tfal u taż-żgħażagħ fl-ambjent diġitali.

22.

Għandha tingħata attenzjoni speċifika lid-dritt tat-tfal u taż-żgħażagħ li jiġu mħarsa mir-reati kriminali kollha, imwettqa permezz tat-teknoloġiji diġitali jew iffaċilitati minnhom.

Nikkommettu ruħna li:

a)

nagħtu l-opportunitajiet lit-tfal u liż-żgħażagħ kollha biex jiksbu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa, inkluż il-litteriżmu fil-media u l-ħsieb kritiku, sabiex jinnavigaw u jkunu involuti fl-ambjent diġitali b'mod attiv u sikur u jagħmlu għażliet infurmati;

b)

nippromwovu esperjenzi pożittivi għat-tfal u ż-żgħażagħ f'ambjent diġitali sikur u xieraq skont l-età;

c)

nipproteġu t-tfal u ż-żgħażagħ kollha mill-kontenut illegali u li jagħmel il-ħsara, l-isfruttament, il-manipulazzjoni u l-abbuż online, u nipprevjenu l-ispazju diġitali milli jintuża biex jitwettqu reati kriminali, jew jiffaċilitahom.

d)

nipproteġu lit-tfal u ż-żgħażagħ kollha mit-traċċar illegali, mit-tfassil predefinit tal-profil u milli jkunu fil-mira, partikolarment għal skopijiet kummerċjali;

e)

ninvolvu lit-tfal u ż-żgħażagħ fl-iżvilupp ta' politiki diġitali li jikkonċernawhom.

KAPITOLU VI

Sostenibbiltà

23.

Sabiex nevitaw ħsara sinifikanti lill-ambjent, u biex nippromwovu l-ekonomija ċirkolari, il-prodotti u s-servizzi diġitali għandhom jitfasslu, jiġu prodotti, użati, imsewwija, irriċiklati u mormija b’mod li jtaffi l-impatt negattiv tagħhom fuq l-ambjent u fuq is-soċjetà u li jevita l-obsolexxenza prematura.

24.

Kulħadd għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni li tkun preċiża u faċli biex tinftiehem dwar l-impatt ambjentali u l-konsum tal-enerġija tal-prodotti u s-servizzi diġitali, il-possibbiltà li għandhom għal tiswija u t-tul tal-ħajja tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jsiru għażliet responsabbli.

Nikkommettu ruħna li:

a)

nappoġġaw l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji diġitali sostenibbli li għandhom impatt negattiv minimu fuq l-ambjent u fuq is-soċjetà;

b)

ninċentivaw l-għażliet tal-konsumaturi u l-mudelli ta' negozju li jkunu sostenibbli, u nrawmu mġiba sostenibbli u responsabbli matul il-ktajjen ta' valur mondjali tal-prodotti u s-servizzi diġitali, fost l-oħrajn bil-ħsieb li niġġieldu x-xogħol furzat;

c)

nippromwovu l-iżvilupp, il-varar u l-użu attiv ta' teknoloġiji diġitali innovattivi b'impatt pożittiv fuq l-ambjent u l-klima, sabiex naċċelleraw it-tranżizzjoni ekoloġika;

d)

nippromwovu standards u tikketti ta' sostenibbiltà għall-prodotti u s-servizzi diġitali.


(1)  2020/2216(INI); 2020/2018(INL); 2020/2019(INL); 2020/2022(INI); 2020/2012(INL); 2020/2014(INL); 2020/2015 (INI); 2020/2017 (INI); 2019/2186(INI); 2019/2181(INL); 2022/2266 (INI)


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 23/8


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-20 ta' Jannar 2023

(2023/C 23/02)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,0826

JPY

Yen Ġappuniż

140,86

DKK

Krona Daniża

7,4391

GBP

Lira Sterlina

0,87600

SEK

Krona Żvediża

11,1655

CHF

Frank Żvizzeru

0,9962

ISK

Krona Iżlandiża

154,30

NOK

Krona Norveġiża

10,7135

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

23,922

HUF

Forint Ungeriż

395,88

PLN

Zloty Pollakk

4,7100

RON

Leu Rumen

4,9258

TRY

Lira Turka

20,3566

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5619

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4583

HKD

Dollaru ta’ Hong Kong

8,4775

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6852

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,4311

KRW

Won tal-Korea t’Isfel

1 336,47

ZAR

Rand ta’ l-Afrika t’Isfel

18,5770

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,3425

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 367,67

MYR

Ringgit Malażjan

4,6395

PHP

Peso Filippin

58,958

RUB

Rouble Russu

 

THB

Baht Tajlandiż

35,455

BRL

Real Brażiljan

5,6271

MXN

Peso Messikan

20,4865

INR

Rupi Indjan

87,8170


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 23/9


Transunt tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tad-19 ta’ Jannar 2022

li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikoli 1 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1)

(Każ C.1887 — Mediaset — Artikolu 265 Stedina ta’ Azzjoni)

(notifikat bid-dokument C(2022) 307)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2023/C 23/03)

(1)   

Fid-19 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet stedina biex taġixxi (“Stedina għal Azzjoni”) mingħand MFE — MEDIAFOREUROPE N.V., li qabel kienet Mediaset N.V., (“Mediaset”, in-Netherlands), skont l-Artikolu 265 TFUE, fejn il-Kummissjoni ġiet mitluba tiddeċiedi dwar jekk għandhiex ġurisdizzjoni li tanalizza l-konċentrazzjoni proposta li tikkonċerna Télévision Française 1 S.A. (“TF1”, Franza) u Métropole Télévision S.A. (“M6”, Franza) (“Tranżazzjoni”).

1.   IL-PARTIJIET U T-TRANŻAZZJONI

(2)

TF1 hija kkontrollata biss minn Bouygues S.A. (“Bouygues”), li għandha parteċipazzjoni ta’ 43,7 % f’TF1. Bouygues hija attiva fis-setturi tal-kostruzzjoni, tat-telekomunikazzjoni u tal-media. L-attività prinċipali ta’ TF1, direttament jew permezz tas-sussidjarji tagħha, hija l-provvista bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni. TF1 topera wkoll f’attivitajiet oħra relatati mal-attività prinċipali tagħha bħala xandar televiżiv, inkluża l-produzzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv u ċinematografiku, l-akkwist ta’ drittijiet awdjoviżivi, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ spazju għar-reklamar, l-editjar u d-distribuzzjoni ta’ DVDs u ta’ CDs mużikali, l-iżvilupp ta’ prodotti derivati mill-antenna u l-iżvilupp ta’ servizzi diġitali u interattivi.

(3)

M6 hija kkontrollata biss minn RTL Group S.A. (“RTL”), li żżomm parteċipazzjoni ta’ 48,26 % f’M6 u li, min-naħa tagħha, hija kkontrollata biss minn Bertelsmann SE & Co. KGaA (“Bertelsmann”), li żżomm parteċipazzjoni ta’ 76,28 % f’RTL. L-attività prinċipali ta’ M6, direttament jew permezz tas-sussidjarji tagħha, hija l-provvista bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni. Barra minn hekk, M6 topera f’sensiela ta’ attivitajiet marbuta mal-attività prinċipali tagħha bħala xandar televiżiv, inkluża l-produzzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv u ċinematografiku, l-akkwist ta’ drittijiet awdjoviżivi, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ spazju għar-reklamar, l-editjar u d-distribuzzjoni ta’ DVDs u ta’ CDs mużikali, l-iżvilupp ta’ prodotti derivati mill-antenna u l-iżvilupp ta’ servizzi diġitali. Finalment, M6 tikkontrolla l-grupp tar-radju RTL France, li għandu diversi liċenzji biex ixandar programmi tar-radju fi Franza u jiżviluppa diversi attivitajiet marbuta mal-operat ta’ dawn is-servizzi tar-radju.

(4)

[Deskrizzjoni tat-Tranżazzjoni]. Wara t-Tranżazzjoni, Bouygues se jkollha madwar 30 % tal-kapital tal-Entità Fuża, mentri Bertelsmann, permezz ta’ RTL, se jkollha madwar 16 % tal-kapital tal-Entità Fuża.

2.   IL-FATTI U L-PROĊEDURA

(5)

Fis-17 ta’ Mejju 2021, TF1, M6, Bouygues u RTL ħabbru li ffirmaw ftehim biex jidħlu f’negozjati esklussivi biex jgħaqqdu l-attivitajiet ta’ TF1 u M6. Fis-17 ta’ Mejju 2021, Bouygues u RTL iffirmaw żewġ Memoranda ta’ Qbil. Dawn il-Memoranda ta’ Qbil ġew segwiti fit-8 ta’ Lulju 2021 bl-iffirmar ta’ Ftehim Qafas bejn Bouygues u RTL u Ftehim ta’ Kombinament ta’ Negozju bejn TF1 u M6 (“Ftehimiet”). Bouygues u RTL qablu wkoll dwar abbozz ta’ ftehim tal-azzjonisti li għandu jsir meta t-Tranżazzjoni tagħlaq (“SHA”).

(6)

Fid-29 ta’ Ottubru 2021, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża (“ADLC”) bagħtet kwestjonarju lil diversi parteċipanti fis-suq, inkluża Mediaset, biex tisma’ l-opinjoni tagħhom dwar it-Tranżazzjoni. Fl-introduzzjoni tal-kwestjonarju, l-ADLC tirreferi għall-fatt li “[l]-kwestjonarju jikkonċerna l-fużjoni proposta bejn TF1 u [M6]. L-Entità Fuża hija kkontrollata biss minn [Bouygues]”. Fid-dawl ta’ dan, l-introduzzjoni tal-eżami tas-suq tgħid li “[t]-[Tranżazzjoni] hija soġġetta għall-approvazzjoni tal-[ADLC], li fi Franza hija l-awtorità amministrattiva indipendenti responsabbli għar-regolamentazzjoni tal-kompetizzjoni”.

(7)

Fid-19 ta’ Novembru 2021, Mediaset bagħtet stedina lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni. B’mod partikolari, kif issostni Mediaset, kuntrarjament għall-konklużjoni tal-ADLC, l-Entità Fuża se tkun ikkontrollata b’mod konġunt minn Bouygues u Bertelsmann u għalhekk se jkollha dimensjoni tal-UE.

3.   ID-DIMENSJONI TAL-UE

3.1.   Il-kuntest ġuridiku

(8)

Fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-Kummissjoni għandha ġurisdizzjoni esklużiva biex tivvaluta konċentrazzjonijiet b’dimensjoni tal-Unjoni. L-Artikolu tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jistabbilixxi żewġ settijiet alternattivi ta’ limiti għad-determinazzjoni ta’ jekk konċentrazzjoni għandhiex dimensjoni tal-Unjoni.

(9)

Fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, konċentrazzjoni jkollha dimensjoni tal-Unjoni meta (i) il-valur tal-bejgħ dinji totali kkombinat tal-impriżi kollha kkonċernati huwa aktar minn EUR 5 000 miljun; u (ii) il-valur tal-bejgħ totali mill-Unjoni kollha ta’ mill-inqas tnejn mill-impriżi kkonċernati huwa aktar minn EUR 250 miljun, sakemm kull waħda mill-impriżi kkonċernati ma tilħaqx aktar minn żewġ terzi mill-valur tal-bejgħ totali tagħha fl-Unjoni fi Stat Membru wieħed.

(10)

Konċentrazzjoni li ma tilħaqx il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet għandu jkollha dimensjoni tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 1(3) jekk: (i) il-valur tal-bejgħ dinji totali kkombinat tal-impriżi kollha kkonċernati huwa aktar minn EUR 2 500 miljun; (ii) il-valur tal-bejgħ totali tal-impriżi kollha kkonċernati huwa ta’ aktar minn EUR 100 miljun f’kull wieħed minn tal-anqas tlett Stati Membri; (iii) f’kull wieħed minn tal-anqas tlett Stati Membri inklużi għall-fini tal-punt (ii), il-valur tal-bejgħ totali ta’ kull waħda minn tal-anqas tnejn mill-impriżi kkonċernati huwa ta’ aktar minn EUR 25 miljun; u (iv) il-valur tal-bejgħ totali fl-Unjoni kollha ta’ kull waħda minn tal-anqas tnejn mill-impriżi kkonċernati huwa ta’ aktar minn EUR 100 miljun; sakemm kull waħda mill-impriżi konċernati ma tilħaqx aktar minn żewġ terzi tal-valur tal-bejgħ totali tagħha mill-Unjoni fl-istess Stat Membru.

(11)

Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, l-impriżi kkonċernati huma dawk li jipparteċipaw f’konċentrazzjoni, jiġifieri għaqda jew akkwist ta’ kontroll kif previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2).

(12)

Fil-kuntest tal-akkwist tal-kontroll esklużiv, l-impriżi kkonċernati huma kemm l-impriża akkwirenti kif ukoll l-impriża fil-mira (3).

(13)

Fil-kuntest tal-akkwist ta’ kontroll konġunt fuq impriża konġunta maħluqa ġdida fejn impriża minnhom tikkontribwixxi sussidjarja jew negozju preeżistenti li fuqu qabel kienet teżerċita kontroll esklużiv, l-impriżi kkonċernati huma kull waħda mill-kumpaniji li qed jakkwistaw kontroll tal-impriża konġunta mwaqqfa ġdida. F’dan il-każ, id-dħul mill-bejgħ tas-sussidjarja jew tan-negozju kkontribwiti jifforma parti mid-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija prinċipali inizjali (4).

3.2.   Dħul mill-bejgħ

(14)

Fl-2020, Bouygues kellha dħul mill-bejgħ dinji ta’ EUR 34 700 miljun, dħul mill-bejgħ ta’ EUR [ċifra tad-dħul mill-bejgħ] miljun fl-Unjoni u dħul mill-bejgħ ta’ EUR [ċifra tad-dħul mill-bejgħ] miljun fi Franza. Għalhekk, Bouygues tikseb aktar minn żewġ terzi tal-valur tal-bejgħ totali tagħha fl-Unjoni fi Franza.

(15)

Fl-2020, Bertelsmann kisbet valur tal-bejgħ dinji ta’ EUR 17 300 miljun, valur tal-bejgħ ta’ EUR [ċifra tal-valur tal-bejgħ] miljun fl-Unjoni u EUR [ċifra tal-valur tal-bejgħ] miljun fi Franza. Għalhekk, Bertelsmann ma tilħaqx iktar minn żewġ terzi tal-valur tal-bejgħ totali tagħha fl-Unjoni fi Franza.

(16)

Fl-2020, M6 kisbet valur tal-bejgħ dinji ta’ EUR 1 274 miljun, valur tal-bejgħ ta’ EUR [ċifra tal-valur tal-bejgħ] miljun fl-Unjoni u valur tal-bejgħ ta’ EUR [ċifra tal-valur tal-bejgħ] miljun fi Franza. Għalhekk, M6 tikseb aktar minn żewġ terzi tal-valur tal-bejgħ totali tagħha fl-Unjoni fi Franza.

(17)

Il-Kummissjoni tinnota li irrispettivament minn jekk jitqisux il-valuri tal-bejgħ ta’ (i) Bouygues u M6; jew, (ii) Bouygues u Bertelsmann, il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 1(2)(a) u (b) qed jinqabżu. Madankollu, jekk jitqies biss il-valur tal-bejgħ ta’ Bouygues u M6, it-Tranżazzjoni ma jkollhiex dimensjoni tal-Unjoni, peress li Bouygues u M6 jiksbu aktar minn żewġ terzi tal-valur tal-bejgħ tagħhom fl-Unjoni fi Franza. Jekk jitqies il-valur tal-bejgħ ta’ Bouygues u Bertelsmann, it-Tranżazzjoni jkollha dimensjoni tal-Unjoni, peress li Bertelsmann ma tiksibx aktar minn żewġ terzi tal-valur tal-bejgħ fl-Unjoni fi Franza.

(18)

Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat liema impriżi tikkonċerna t-Tranżazzjoni.

3.3.   Impriżi li tikkonċerna t-tranżazzjoni

(19)

L-ADLC u Bouygues iqisu li l-entità magħquda se tkun ikkontrollata b’mod esklużiv minn Bouygues (5). F’dan il-każ, l-impriżi kkonċernati jkunu Bouygues u M6 u l-konċentrazzjoni ma jkollhiex dimensjoni tal-Unjoni.

(20)

Għall-kuntrarju, Mediaset targumenta li l-entità magħquda se tiġi kkontrollata b’mod konġunt minn Bouygues u Bertelsmann (6). F’dak il-każ, l-impriżi kkonċernati jkunu Bouygues u Bertelsmann (7) u l-konċentrazzjoni jkollha dimensjoni tal-Unjoni.

(21)

Sabiex jiġi ddeterminat l-ambitu tal-impriżi kkonċernati mit-Tranżazzjoni, huwa meħtieġ li l-ewwel tiġi ddeterminata n-natura tal-kontroll li se jiġi eżerċitat fuq l-entità magħquda.

3.3.1.   Natura tal-kontroll fuq l-entità magħquda

3.3.1.1.   Introduzzjoni fl-istruttura ta’ governanza tal-entità magħquda

(22)

Wara t-Tranżazzjoni, Bouygues se jkollha madwar 30 % tal-kapital tal-entità magħquda, mentri Bertelsmann, permezz ta’ RTL, se jkollha madwar 16 % tal-kapital tal-entità magħquda.

(23)

Fir-rigward tal-laqgħa ġenerali tal-entità magħquda (“laqgħa ġenerali”), l-Artikolu 2.5 tal-SHA jipprevedi li Bouygues u Bertelsmann għandhom, qabel kwalunkwe laqgħa ġenerali, jaqblu dwar pożizzjoni komuni dwar il-punti kollha fl-aġenda. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, fil-prinċipju Bertelsmann se jkollha tivvota billi ssegwi d-direzzjoni ta’ Bouygues.

(24)

Il-bord tad-diretturi tal-entità magħquda (“bord tad-diretturi”) se jkun kompost minn 12-il membru. Bouygues se jkollha d-dritt li taħtar erba’ diretturi, inkluż l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv u l-President tal-Bord tad-Diretturi (“CEO”) (8), u li tipproponi żewġ diretturi indipendenti. Bertelsmann se jkollha d-dritt li taħtar żewġ diretturi, inkluż il-Viċi President tal-Bord tad-Diretturi u li tipproponi [għadd ta’ diretturi indipendenti proposti minn Bertelsmann]. F’konformità mal-Artikolu 2.1.4 tal-SHA, id-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi jiġu adottati b’maġġoranza tal-voti mitfugħa. Fil-każ ta’ parità, is-CEO għandu jkollu vot deċiżiv. L-Artikolu 2.1.2 tal-SHA jipprovdi li Bouygues u Bertelsmann se jkollhom jaqblu dwar pożizzjoni komuni dwar il-punti kollha fuq l-aġenda tal-Bord tad-Diretturi. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, fil-prinċipju Bertelsmann se jkollha tivvota billi ssegwi d-direzzjoni ta’ Bouygues.

3.3.1.2.   Argumenti ta’ Mediaset

(25)

Mediaset tqis li l-entità magħquda se tiġi kkontrollata b’mod konġunt minn Bouygues u Bertelsmann għar-raġunijiet li ġejjin.

(26)

L-ewwel nett, Mediaset issostni li l-istruttura tat-Tranżazzjoni twassal għall-konklużjoni li Bouygues u Bertelsmann se jkollhom kontroll konġunt fuq l-entità magħquda. B’mod partikolari, skont Mediaset, Bouygues mhux se tkun tista’ tikkontrolla b’mod esklużiv l-entità magħquda, billi se tikkontrolla biss 30 % tal-kapital azzjonarju tal-entità magħquda. Mediaset tirrimarka li, wara l-konklużjoni tat-Tranżazzjoni, Bertelsmann (permezz ta’ RTL) se jkollha 16 % tal-kapital tal-entità magħquda. Għaldaqstant, Bertelsmann se tkun it-tieni l-akbar azzjonist tal-entità magħquda.

(27)

It-tieni, Mediaset issostni li Bertelsmann se tkun azzjonist ewlieni u strateġiku tal-entità magħquda. Mediaset tqis li jirriżulta, b’mod partikolari minn intervista ma’ Thomas Rabe, il-President u d-Direttur Ġenerali (“CEO”) ta’ Bertelsmann, u Olivier Roussat, id-Direttur Ġenerali (“DĠ”) ta’ Bouygues, li Bouygues u Bertelsmann iqisu lilhom infushom bħala msieħba fit-tul, b’perspettiva komuni tas-swieq (9). Dan kien rifless fi preżentazzjoni lill-investituri, fejn TF1 u M6 sostnew li RTL se tibqa’ azzjonist strateġiku fit-tul (10). Skont il-Mediaset, dan jirriżulta wkoll mill-implimentazzjoni ta’ azzjoni konċertata fis-sens tal-Artikolu L.233-10 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż (11). L-eżistenza ta’ tali azzjoni konċertata hija, barra minn hekk, indikazzjoni użata mill-ADLC fil-valutazzjoni tan-natura tal-kontroll eżerċitat minn impriża waħda jew iktar fuq impriża oħra (12).

(28)

It-tielet, Mediaset tqis li Bertelsmann se tkun irrappreżentata b’mod sinifikanti fil-korpi ta’ governanza tal-entità magħquda (13). Mediaset tinnota li l-ewwel CEO tal-entità magħquda jkun Nicolas de Tavernost, il-president attwali ta’ M6. Mediaset tinnota wkoll li l-għadd ta’ diretturi konċessi lil Bouygues u Bertelsmann individwalment (skont Mediaset, erba’ u żewġ diretturi rispettivament) ma jippermettix lil Bouygues jew lil Bertelsmann biex jaġixxu individwalment, billi l-Bord tad-Diretturi se jkun magħmul minn 12-il direttur (14).

(29)

Finalment, Mediaset issostni li Bouygues u Bertelsmann qablu dwar strateġija komuni, kif issostanzjat fl-istqarrija għall-istampa u fil-preżentazzjonijiet għall-investituri (15).

3.3.1.3.   Argumenti tal-ADLC u ta’ Bouygues

(30)

L-ADLC u Bouygues iqisu li t-Tranżazzjoni hija strutturata b’tali mod li tiżgura li Bouygues ikollha kontroll esklużiv fuq l-entità magħquda (16).

(31)

Fir-rigward tal-laqgħa ġenerali, Bouygues enfasizzat li, skont l-Artikolu 2.5 tal-SHA, Bouygues u Bertelsmann se jkollhom jikkonsultaw lil xulxin qabel kull laqgħa ġenerali biex jipprovaw jiddefinixxu pożizzjoni komuni dwar kull punt fuq l-aġenda. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Bouygues u Bertelsmann, il-pożizzjoni proposta minn Bouygues tipprevali u Bertelsmann se tkun obbligata tivvota favur id-deċiżjonijiet mitluba minn Bouygues (17). Analiżi tar-rati ta’ parteċipazzjoni storiċi fil-laqgħat ġenerali ta’ TF1 u M6 twassal għall-konklużjoni li d-drittijiet ikkombinati tal-vot ta’ Bouygues u Bertelsmann se jagħtu liż-żewġ impriżi de facto maġġoranza fil-laqgħat ġenerali.

(32)

Fir-rigward tal-Bord tad-Diretturi, Bouygues tinnota li l-Artikolu 2.1.1 tal-SHA jipprevedi li l-Bord tad-Diretturi tal-entità magħquda jkun magħmul minn 12-il membru, li nofshom se jinħatru minn Bouygues, inkluż il-president tiegħu b’vot deċiżiv (18).

(33)

B’mod simili għat-tħejjija tal-laqgħa ġenerali, Bouygues issostni li l-SHA jagħti l-mandat għal konċentrazzjoni bejn Bouygues u Bertelsmann qabel kwalunkwe laqgħa tal-Bord tad-Diretturi (19). F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Bouygues u Bertelsmann, il-pożizzjoni proposta minn Bouygues tipprevali u Bertelsmann trid tallinja l-vot tagħha mal-vot ta’ Bouygues (20). Bertelsmann tista’ tiddevja mill-pożizzjoni ta’ Bouygues f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss. B’mod partikolari, l-Artikolu 2.1.2 tal-SHA jipprevedi li Bertelsmann ma tkunx meħtieġa ssegwi l-pożizzjoni ta’ Bouygues jekk Bertelsmann jew wieħed mir-rappreżentanti tagħha fuq il-Bord tad-Diretturi jqis li d-deċiżjoni tkun illegali jew inkonsistenti mal-interess korporattiv tal-entità magħquda (21). Barra minn hekk, Bouygues issostni li l-Artikolu 2.1.4 fih lista ta’ kwistjonijiet li fuqhom Bertelsmann mhux se tkun meħtieġa tallinja l-vot tagħha mal-pożizzjoni ta’ Bouygues, imma dan għandu jikkonċerna biss deċiżjonijiet eċċezzjonali li x’aktarx jaffettwaw il-valur tal-entità magħquda u mfassla biex jipproteġu l-interessi ta’ azzjonist minoritarju (22).

(34)

Finalment, Bouygues issostni li hija se tikkontrolla b’mod esklużiv id-deċiżjonijiet strateġiċi kollha tal-entità magħquda, inkluż il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju u l-baġit, l-investimenti u l-ħatra tal-maniġers. F’dan ir-rigward, Bouygues tenfasizza li l-fatti invokati minn Mediaset sabiex tikkonkludi li kien hemm strateġija komuni bejn Bouygues u Bertelsmann huma bbażati fuq stqarrijiet għall-istampa li ma fihomx il-kontenut sħiħ tal-Ftehimiet u tal-SHA (23).

3.3.1.4.   Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni

(A)   Il-kuntest ġuridiku

(35)

L-Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat jistabbilixxi li jeżisti kontroll konġunt meta żewġ impriżi jew persuni jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq impriża oħra. Permezz ta’ influwenza deċiżiva, il-Kummissjoni normalment tirreferi għas-setgħa tal-imblokkar ta’ deċiżjonijiet li jiddeterminaw l-imġiba kummerċjali strateġika ta’ impriża. L-impriżi li jakkwistaw kontroll konġunt ta’ impriża oħra jridu għaldaqstant jilħqu fehim komuni fid-determinazzjoni tal-politika kummerċjali tal-impriża konġunta u huma meħtieġa li jikkooperaw (24).

(36)

Il-Kummissjoni tuża diversi kriterji biex tiddetermina l-eżistenza ta’ kontroll konġunt.

(37)

Filwaqt li jista’ jkun hemm kontroll konġunt fejn żewġ impriżi jkollhom drittijiet ugwali tal-vot jew tal-ħatra fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni ma tqisx li din hija kundizzjoni meħtieġa. Għalhekk, jista’ jkun hemm kontroll konġunt anki fejn ma jkunx hemm ugwaljanza bejn iż-żewġ kumpaniji prinċipali f’termini ta’ voti jew ta’ rappreżentanza fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan hu partikolarment il-każ fejn azzjonisti b’minoranza jkollhom drittijiet addizzjonali li jippermettulhom li jagħtu l-veto tagħhom fuq deċiżjonijiet li huma essenzali għall-imġiba kummerċjali strateġika tal-impriża konġunta (25). Id-drittijiet ta’ veto li jagħtu lok għal kontroll konġunt normalment jikkonċernaw deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet bħall-baġit, il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju, investimenti maġġuri jew il-ħatra tal-maniġment superjuri.

(38)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-eżerċizzju konġunt tad-drittijiet tal-vot jista’ jagħti lok għal kontroll konġunt. Għaldaqstant, anke fl-assenza ta’ drittijiet ta’ veto speċifiċi, żewġ impriżi jew aktar li jakkwistaw ishma minoritarji f’impriża oħra jistgħu jakkwistaw kontroll konġunt (26). Dan jista’ jkun il-każ fejn azzjonisti b’minoranza flimkien jipprovdu l-mezzi biex jikkontrollaw l-impriża fil-mira. Tali konċertazzjoni tista’ tirriżulta minn ftehim legalment vinkolanti jew tintwera abbażi ta’ ċirkostanzi fattwali, b’mod partikolari meta jkun jeżisti interess komuni b’saħħtu bejn l-azzjonisti b’minoranza (27).

(39)

Finalment, il-Kummissjoni tqis fatturi oħra, inkluża l-eżistenza ta’ vot deċiżiv (28). Sabiex ikun jeżisti l-kontroll konġunt, ma għandux ikun hemm vot deċiżiv għal kumpanija prinċipali waħda biss għax dan iwassal għall-kontroll esklużiv tal-kumpanija li għandha l-vot deċiżiv (29). Madankollu, jista’ jkun hemm kontroll konġunt jekk, fil-prattika, ir-rilevanza u l-effettività tal-vot deċiżiv ikunu limitati (30).

(B)   Drittijiet ta’ veto ta’ Bertelsmann fl-entità magħquda

(40)

Kif spjegat fil-paragrafi (22)–(24) hawn fuq u sakemm ma jkunx previst mod ieħor, Bertelsmann se jkollha tivvota fl-istess direzzjoni bħal Bouygues kemm fil-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi kif ukoll fil-laqgħa ġenerali.

(41)

F’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, l-Artikolu 2.1.4 tal-SHA jipprevedi mekkaniżmu li jippermetti lil Bertelsmann [...] tivvota kontra proposta għal għadd stabbilit ta’ kwistjonijiet (31). Il-Kummissjoni tqis li dan il-mekkaniżmu huwa simili għal dritt ta’ veto għal Bertelsmann dwar dawn il-kwistjonijiet. [Dettalji dwar l-SHA] (32). Għalhekk, Bertelsmann se jkollha dritt ta’ veto dwar il-kwistjonijiet elenkati fl-Artikolu 2.1.4 tal-SHA.

(42)

L-ewwel nett, l-Artikolu 2.1.4 tal-SHA fih lista ta’ kwistjonijiet li fuqhom Bertelsmann se jkollha dritt ta’ veto b’mod eċċezzjonali. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-emenda tal-istatut ta’ assoċjazzjoni, is-sostituzzjoni tal-awdituri, kwalunkwe bidla fil-politika dwar id-distribuzzjoni tad-dividendi, kwalunkwe bidla fir-regoli ta’ governanza, kwalunkwe żieda fil-kapital azzjonarju, żieda sinifikanti fid-dejn u fl-impenn tal-entità magħquda għal kwalunkwe negozju ġdid li ma jaqax taħt l-għan tagħha. Fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet ta’ veto, il-Kummissjoni tinnota li, f’konformità mal-paragrafu 66 tal-Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat, dawn il-kwistjonijiet ma jikkonċernawx id-deċiżjonijiet strateġiċi tal-entità magħquda. Id-dritt ta’ veto ta’ Bertelsmann japplika għal kwistjonijiet li jikkonċernaw l-eżistenza tal-entità magħquda u għalhekk ma jistax jikkonferilha kontroll konġunt fuq l-entità magħquda. Minflok, dawn id-drittijiet ta’ veto jikkorrispondu għal dawk normalment mogħtija lil azzjonisti b’minoranza biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħhom bħala investituri fl-impriża konġunta.

(43)

L-Artikolu 2.1.4 tal-SHA jagħti wkoll lil Bertelsmann drittijiet ta’ veto fuq ċerti tipi ta’ investimenti. B’mod partikolari, Bertelsmann se żżomm id-dritt li ma ssegwix il-proposta ta’ Bouygues għal (i) kwalunkwe investiment, bejgħ jew akkwist ta’ ishma, negozji u assi għal ammont li jaqbeż EUR [ammont tal-livell limitu] għal kull tranżazzjoni; (ii) kwalunkwe akkwist ta’ drittijiet f’kontenut awdjoviżiv li jaqbeż EUR [ammont tal-livell limitu] għal kull tranżazzjoni fis-sena; (iii) kwalunkwe arranġament ta’ distribuzzjoni kummerċjali li jaqbeż EUR [ammont tal-livell limitu] għal kull tranżazzjoni fis-sena; (iv) il-ħolqien ta’ kwalunkwe impriża konġunta jew sħubija, jew garanzija oħra, għal ammont li jaqbeż EUR [ammont tal-livell limitu]; u kwalunkwe bidu ta’ litigazzjoni dwar ammont li jaqbeż EUR [ammont tal-livell limitu]. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-livelli limiti stabbiliti fl-SHA qatt ma nqabżu minn M6 u b’mod eċċezzjonali ħafna minn TF1 matul l-aħħar 10 snin (33). Għaldaqstant, id-drittijiet ta’ veto ta’ Bertelsmann mhumiex tali li jagħtuha veto fuq it-tmexxija normali tan-negozju tal-entità magħquda. Minħabba l-ammonti stabbiliti, dawn id-drittijiet ta’ veto jikkorrispondu għal drittijiet li normalment jipproteġu l-azzjonisti b’minoranza.

(44)

Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li Bertelsmann mhux se teżerċita kontroll konġunt fuq l-entità magħquda minħabba d-drittijiet ta’ veto stabbiliti fl-Artikolu 2.1.4 tal-SHA.

(45)

L-ewwel CEO tal-entità magħquda se jinħatar minn Bouygues u Bertelsmann (34). Se jkun wieħed mill-erba’ membri tal-Bord tad-Diretturi maħtura minn Bouygues. Matul il-perjodu ta’ immobbiltà (35), Bouygues tista’, wara diskussjonijiet ma’ Bertelsmann iżda mingħajr ma din tal-aħħar ikollha d-dritt ta’ veto fir-rigward tad-deċiżjoni finali, tkeċċi s-CEO tal-entità magħquda. Fir-rigward tal-ħatra ta’ CEOs futuri, Bouygues se jkollha tipproponi lista ta’ [...] kandidati [...]. Bertelsmann se tkun tista’ tagħmel veto fuq wieħed mill-kandidati mil-lista (36). Għaldaqstant, Bouygues se jkollha l-aħħar kelma dwar l-għażla [tas-CEO], sakemm Bertelsmann ma tqisx li hemm tħassib etiku serju dwar il-kandidat (37). [...] (38). Minn dan isegwi li, kemm matul kif ukoll wara l-perjodu ta’ immobbiltà, Bouygues se jkollha l-aħħar kelma fir-rigward tal-ħatra u tat-tkeċċija tas-CEO tal-entità magħquda. Bertelsmann se jkollha d-dritt ta’ veto biss fuq [...] u fuq il-ħatra ta’ kandidat li fir-rigward tiegħu Bertelsmann tqis li hemm tħassib etiku serju. Barra minn hekk, Bertelsmann mhux se jkollha veto fuq it-tkeċċija tas-CEO. Għalhekk, id-drittijiet ta’ veto ta’ Bertelsmann fil-proċess tal-ħatra tas-CEO tal-entità magħquda huma simili għal dritt ta’ konsultazzjoni, kompatibbli mad-drittijiet li s-soltu jingħataw sabiex jiġu protetti b’mod normali l-interessi tal-azzjonisti b’minoranza. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li Bouygues se tkun tista’ tneħħi l-ewwel CEO tal-entità magħquda mingħajr dewmien.

(46)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li Bertelsmann mhux se teżerċita kontroll konġunt fuq l-entità magħquda minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ħatra u r-riżenja tas-CEO tal-entità magħquda.

(47)

Fir-rigward tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju u l-baġit, il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 2.2.1 tal-SHA jistabbilixxi kumitat tal-awditjar responsabbli għat-tħejjija tal-baġit u tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju, li se jkun magħmul minn direttur maħtur minn Bouygues u direttur maħtur minn Bertelsmann (39). [Bouygues u Bertelsmann se jaqblu fuq l-ewwel pjan ta’ direzzjoni tan-negozju] (40). Barra minn hekk, il-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju futuri, li Bertelsmann tista’ tressaq oġġezzjoni dwarhom biss jekk tqis li dawn ikunu inkonsistenti mal-interess korporattiv tal-entità magħquda (41), se jkollhom jirrispettaw il-miri tad-dħul, tas-sinerġiji u tal-investiment maqbula minn Bouygues u Bertelsmann [...] (42). Għalhekk, [fir-rigward tal-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju futuri, Bouygues se tkun tista’ tisforza d-deċiżjoni tagħha fuq il-Bord tad-Diretturi minħabba l-vot deċiżiv tagħha] (43). Dawn il-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju u l-baġits futuri jikkostitwixxu deċiżjonijiet strateġiċi tal-entità magħquda.

(48)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li Bertelsmann mhux se teżerċita kontroll konġunt fuq l-entità magħquda minħabba l-mekkaniżmu għad-diskussjoni u l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju u tal-baġits futuri tal-entità magħquda.

(49)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tinnota li Bertelsmann ma għandhiex drittijiet ta’ veto fuq id-deċiżjonijiet strateġiċi tal-entità magħquda.

(C)   Eżerċitar konġunt tad-drittijiet tal-vot

(50)

Fir-rigward tal-laqgħat ġenerali, minbarra l-kwistjonijiet riżervati msemmija fl-Artikolu 2.1.4 tal-SHA (diskussi fil-paragrafi (42)-(44) ta’ hawn fuq), Bertelsmann mhux se tkun tista’ topponi lil Bouygues.

(51)

Madankollu, fir-rigward tal-Bord tad-Diretturi, minbarra l-kwistjonijiet riżervati stabbiliti fl-Artikolu 2.1.4 tal-SHA u l-ħatra tas-CEO tal-entità magħquda (diskussi fil-paragrafi (42)–(46) hawn fuq), Bertelsmann għandha d-dritt li toġġezzjona għal kwalunkwe deċiżjoni li Bertelsmann tqis illegali jew inkonsistenti mal-interess korporattiv tal-entità magħquda (l-Artikolu 2.1.2 tal-SHA).

(52)

L-eċċezzjoni tal-interess korporattiv fl-Artikolu 2.1.2 tal-SHA mhix soġġetta għal kundizzjonijiet partikolari. Madankollu, kif spjegat minn Bouygues, (i) l-eċċezzjoni tal-interess korporattiv hija abitwali u mhux speċifika għas-settur awdjoviżiv; (ii) hija maħsuba biex tapplika biss f’sitwazzjonijiet estremi; (iii) peress li l-objettiv tagħha huwa li tevita r-responsabbiltà personali ċivili u/jew kriminali tad-diretturi maħtura minn Bertelsmann (44). B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li l-eċċezzjoni tal-interess korporattiv hija limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae.

(53)

Minn dan isegwi li Bertelsmann mhux se tkun tista’ de jure teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-entità magħquda skont it-termini tal-SHA. Madankollu, il-Kummissjoni teħtieġ tivvaluta jekk l-eżerċizzju konġunt tad-drittijiet tal-vot jistax jeżisti wkoll de facto.

(54)

Il-Kummissjoni tinnota li Bertelsmann għandha l-għarfien espert fis-settur awdjoviżiv li jmur lil hinn mill-attivitajiet tal-entità magħquda. Barra minn hekk, anki jekk Bertelsmann ma tistax timponi l-pożizzjoni tagħha, Bouygues u Bertelsmann se jkollhom jippruvaw jaqblu dwar pożizzjoni ta’ votazzjoni komuni qabel kull laqgħa tal-Bord tad-Diretturi jew l-assemblea ġenerali tal-entità magħquda. Fid-dawl ta’ dan, Bouygues u Bertelsmann jistgħu jaġixxu bħala entità waħda fil-korpi deċiżjonali tal-entità magħquda. Barra minn hekk, l-ewwel CEO tal-entità magħquda se jkompli jkollu għadd ta’ rwoli fi ħdan Bertelsmann (45).

(55)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li Bouygues għandha l-għarfien tagħha stess fis-settur awdjoviżiv u mhux se tkun dipendenti fuq Bertelsmann f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, Bertelsmann mhux se jkollha relazzjonijiet kummerċjali sinifikanti mal-entità magħquda (46). Finalment, Bouygues iżżomm id-dritt li tneħħi s-CEO mill-entità magħquda mingħajr ma Bertelsmann tkun tista’ topponiha.

(56)

Minn dan isegwi li ma teżisti ebda prova li ssostni l-eżistenza ta’ interess komuni qawwi bejn Bouygues u Bertelsmann.

(57)

Fin-nuqqas ta’ tali interess komuni, il-Kummissjoni tqis li l-emerġenza possibbli ta’ alleanzi li jiċċaqilqu bejn l-azzjonisti b’minoranza normalment teskludi suppożizzjoni ta’ kontroll konġunt de facto. Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni tinnota li huwa possibbli li Bouygues u azzjonisti b’minoranza oħra jistgħu jivvutaw f’direzzjoni li tmur kontra l-pożizzjoni ta’ Bertelsmann, kemm fil-Bord tad-Diretturi kif ukoll fl-Assemblea Ġenerali.

(58)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Bouygues u Bertelsmann, Bertelsmann hija obbligata li żżomm il-parteċipazzjonijiet azzjonarji tagħha matul il-perjodu ta’ immobbiltà biss ([tul ta’ żmien tal-perjodu ta’ immobbiltà]). Malli jintemm dak il-perjodu, Bertelsmann se tkun tista’ tbigħ l-ishma tagħha billi tagħti lil Bouygues dritt ta’ prelazzjoni għal [ammont ta’ parteċipazzjonijiet] tal-ishma. L-ishma li jkun għad fadal jistgħu jinbiegħu liberament, [sakemm l-għażla tax-xerrej ma tqajjimx tħassib dwar il-kompetizzjoni]. Għalhekk, f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, il-Kummissjoni tqis li mhux se tkun affettwata l-eżistenza tal-entità magħquda.

(59)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Ftehimiet u l-SHA ma jagħtux lok għal eżerċizzju konġunt de facto tad-drittijiet tal-vot fl-entità magħquda.

(D)   Eżistenza ta’ vot deċiżiv

(60)

Fi kwalunkwe każ, il-paragrafu 82 tal-Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat jipprovdi li l-eżistenza ta’ kontroll konġunt tfisser li l-ebda vot deċiżiv ma jingħata lil xi waħda mill-kumpaniji prinċipali, peress li dan jirriżulta f’kontroll esklużiv tal-kumpanija li jkollha l-vot deċiżiv.

(61)

F’dan il-każ, Bouygues se tikkontrolla nofs il-Bord tad-Diretturi, inkluż is-CEO (47), li se jkollu vot deċiżiv. F’dak is-sens, ma jidhirx li l-vot ta’ Bertelsmann huwa meħtieġ biex tiġi adottata pożizzjoni ta’ Bouygues fil-Bord tad-Diretturi, ħlief jekk ikunu kwistjonijiet riżervati skont it-tifsira tal-Artikolu 2.1.4 tal-SHA (li ma jistgħux jagħtu kontroll konġunt). B’mod simili, fil-laqgħa ġenerali Bertelsmann se tkun tista’ topponi l-pożizzjoni ta’ Bouygues biss dwar kwistjonijiet riżervati skont l-Artikolu 2.1.4 tal-SHA (li ma jistgħux jagħtu kontroll konġunt).

(62)

Għaldaqstant, b’riżultat tal-vot deċiżiv ta’ Bouygues, Bertelsmann mhux se jkollha kontroll konġunt fuq l-entità magħquda.

(E)   Kontroll esklużiv tal-entità magħquda

(63)

Kif indikat hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota li Bouygues se jkollha s-setgħa li taħtar nofs il-Bord tad-Diretturi tal-entità magħquda. Minħabba d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż (48), is-CEO tal-entità magħquda, li se jinħatar minn Bouygues, se jkollu vot deċiżiv f’każ ta’ imblokk. F’dan is-sens, Bouygues se tkun tista’ timponi d-deċiżjonijiet tagħha fuq il-Bord tad-Diretturi tal-entità magħquda. Il-Kummissjoni tinnota li dawn id-drittijiet jagħtu lil Bouygues il-kontroll esklużiv fuq l-entità magħquda.

(64)

Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2.5 tal-SHA u bl-eċċezzjoni ta’ kwistjonijiet riżervati skont it-tifsira tal-Artikolu 2.1.4 tal-SHA (li ma jistgħux jagħtu kontroll konġunt), Bertelsmann se jkollha tivvota fid-direzzjoni ta’ Bouygues fil-laqgħat ġenerali. F’dan is-sens, Bouygues se tikkontrolla b’mod effettiv madwar 46 % tad-drittijiet tal-vot fil-laqgħa ġenerali tal-entità magħquda. Skont l-istatistika kkonsolidata storika ppreżentata minn Bouygues, dan jirrappreżenta aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot effettivament rappreżentati fil-laqgħat ġenerali (49). B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni tinnota li Bouygues se teżerċita wkoll kontroll esklużiv de facto fuq l-entità magħquda. It-tabella li ġejja turi l-istatistika storika u konsolidata dwar ir-rata ta’ parteċipazzjoni fil-laqgħat ġenerali ta’ TF1 u M6 mill-2019 ’l hawn.

Tabella 1

Statistika storika u konsolidata dwar ir-rata ta’ parteċipazzjoni fil-laqgħat ġenerali ta’ TF1 u M6

Sena

Rata ta’ parteċipazzjoni konsolidata

Rata stmata tal-parteċipazzjoni azzjonarja ta’ Bouygues

Parteċipazzjoni azzjonarja ta’ Bouygues fir-rigward tar-rata ta’ parteċipazzjoni konsolidata totali

2021

[…] %

46  %

[Aktar minn nofs] %

2020

[…] %

46  %

[Aktar minn nofs] %

2019

[…] %

46  %

[Aktar minn nofs] %

Sors:

it-tweġiba ta’ Bouygues għal RFI 1, id-domanda 3.

(65)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li Bouygues se jkollha l-kontroll esklużiv tal-entità magħquda, kemm fil-liġi kif ukoll fil-fatt.

(F)   Konklużjoni dwar in-natura tal-kontroll fuq l-entità magħquda

(66)

Minħabba r-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-entità magħquda se tkun ikkontrollata b’mod esklużiv minn Bouygues.

3.3.2.   Konklużjoni dwar l-impriżi li t-Tranżazzjoni tikkonċerna

(67)

Il-Kummissjoni tqis li, minħabba n-natura esklużiva tal-kontroll ta’ Bouygues fuq l-entità magħquda, l-impriżi li t-Tranżazzjoni tikkonċerna huma Bouygues (inkluża TF1) bħala impriża akkwirenti u M6 bħala l-impriża fil-mira.

3.4.   Konklużjoni dwar id-dimensjoni tal-UE tat-Tranżazzjoni

(68)

Peress li kemm Bouygues kif ukoll M6 jiksbu aktar minn żewġ terzi tal-valur tal-bejgħ tagħhom fi Franza, il-Kummissjoni tqis li t-Tranżazzjoni ma tikkostitwixxix konċentrazzjoni b’dimensjoni tal-Unjoni.

4.   KONKLUŻJONI

(69)

Il-Kummissjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tivvaluta t-Tranżazzjoni.

(70)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Mediaset u tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, ħlief kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali jew sigrieti kummerċjali.

(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”). B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) introduċa ċerti bidliet, bħas-sostituzzjoni tat-terminu “Komunità” bit-terminu “Unjoni” u t-terminu “suq komuni” bit-terminu “suq intern”. Tul din id-deċiżjoni kollha se tintuża t-terminoloġija tat-TFUE.

(2)  Avviż konsolidat dwar il-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament dwar l-Għaqdiet (ĠU C 95, 16.4.2008, p. 1), paragrafu 129 (“Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat”).

(3)  Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat, paragrafu 134.

(4)  Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat, paragrafu 139.

(5)  Ara l-analiżi mill-ADLC tal-applikabbiltà tar-Regolament dwar l-Għaqdiet għat-Tranżazzjoni tat-3 ta’ Diċembru 2021, p. 7 u l-osservazzjonijiet ta’ Bouygues, l-Anness 1, il-paġna 7.

(6)  Stedina għal Azzjoni, paġni 2–5.

(7)  Inkluż M6.

(8)  L-ewwel CEO tal-entità magħquda se jkun Nicolas de Tavernost, il-President attwali ta’ M6.

(9)  Stedina għal Azzjoni, paġna 3.

(10)  Stedina għal Azzjoni, paġna 3.

(11)  Stedina għal Azzjoni, paġna 3.

(12)  Stedina għal Azzjoni, paġna 3.

(13)  Stedina għal Azzjoni, paġna 3.

(14)  Stedina għal Azzjoni, paġni 3–4.

(15)  Stedina għal Azzjoni, paġna 4.

(16)  Ara l-analiżi tal-applikabbiltà tar-Regolament dwar l-Għaqdiet għat-Tranżazzjoni tal-ADLC tat-3 ta’ Diċembru 2021, p. 7 u t-tweġiba ta’ Bouygues għat-talba tal-Kummissjoni għal osservazzjonijiet (“osservazzjonijiet ta’ Bouygues”), l-Anness 1, il-paġna 4.

(17)  Osservazzjonijiet ta’ Bouygues, Anness 1, il-paġna 3.

(18)  Osservazzjonijiet ta’ Bouygues, Anness 1, il-paġna 6.

(19)  Osservazzjonijiet ta’ Bouygues, Anness 1, il-paġna 7.

(20)  Osservazzjonijiet ta’ Bouygues, Anness 1, il-paġna 7.

(21)  Osservazzjonijiet ta’ Bouygues, Anness 1, il-paġna 4.

(22)  Osservazzjonijiet ta’ Bouygues, Anness 1, il-paġni 7-8.

(23)  Osservazzjonijiet ta’ Bouygues, Anness 1, il-paġna 9.

(24)  Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat, il-paragrafu 62.

(25)  Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat, il-paragrafu 65.

(26)  Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat, il-paragrafu 74.

(27)  Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat, il-paragrafi 74–76.

(28)  Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat, il-paragrafu 82.

(29)  Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat, il-paragrafu 82.

(30)  Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat, il-paragrafu 82.

(31)  Dan l-obbligu ma jestendix għad-diretturi indipendenti proposti minn Bouygues jew Bertelsmann.

(32)  Il-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż, l-Artikolu L.225-37.

(33)  Bouygues tikkonferma li dawn il-livelli limiti nqabżu tliet darbiet biss mill-2011 ’l hawn minn TF1, u qatt ma nqabżu minn M6. Barra minn hekk, bi tweġiba għall-RFI 1, Bouygues ikkonfermat li, fejn ikun rilevanti, il-konsolidazzjoni tad-data storika bejn il-gruppi TF1 u M6 ma twassalx għal xi eċċess ulterjuri tal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 2.1.4 (ara RFI 1, it-tweġiba għall-mistoqsija 2 u l-anness). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-limiti huma għoljin biżżejjed biex Bertelsmann ma tingħatax veto fuq id-deċiżjonijiet strateġiċi tal-entità magħquda.

(34)  SHA, l-Artikolu 2.3.

(35)  L-Artikolu 3.2 tal-SHA jipprevedi li, salv f’każijiet eċċezzjonali, Bertelsmann se jkollha żżomm il-parteċipazzjonijiet fl-entità magħquda għal [tul ta’ żmien speċifiku] (“perjodu ta’ immobbiltà”).

(36)  SHA, l-Artikolu 2.3.

(37)  SHA, l-Artikolu 2.1.2.

(38)  SHA, l-Artikolu 2.3.

(39)  SHA, l-Artikolu 2.2.1.

(40)  SHA, l-Artikolu 2.2.1. Barra minn hekk, fit-tweġiba tagħha għat-talba għal informazzjoni ta’ RFI 1, Bouygues ikkonfermat li l-ftehimiet jagħtu l-possibbiltà lil Bouygues biex temenda l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju fit-terminu qasir u tirrevoka l-ewwel baġit (ara RFI 1, it-tweġiba għad-domanda 5(b)).

(41)  SHA, l-Artikolu 2.1.2.

(42)  SHA, l-Artikolu 2.2.1.

(43)  Ara l-paragrafu (61) hawn taħt.

(44)  Ara RFI 1, it-tweġiba għall-mistoqsija 1.

(45)  Stedina għal Azzjoni, paġna 3.

(46)  Fit-tweġiba tagħha għal RFI 1, Bouygues ikkonfermat li r-relazzjonijiet intragrupp bejn M6 u Bertelsmann huma maħsuba li jieqfu (ara RFI 1, it-tweġiba għall-mistoqsija 4(b)). Madankollu, Bouygues tirrimarka li l-entità magħquda, bħal kull impriża oħra, tista’ tikseb kontenut jew servizzi mingħand is-sussidjarji ta’ Bertelsmann skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

(47)  Il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li, għall-finijiet tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, ir-rappreżentanti indipendenti maħtura minn azzjonist se jqisu b’mod inevitabbli l-fehmiet tal-persuna li taħtarhom (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 2006 fil-Kawża T-282/02 Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, il-punt 74). Fin-nuqqas ta’ evidenza kuntrarja, il-Kummissjoni tqis li ż-żewġ membri indipendenti tal-Bord tad-Diretturi tal-entità magħquda maħtura minn Bouygues se jaġixxu f’konformità mal-interessi ta’ Bouygues.

(48)  Il-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż, l-Artikolu L.225-37.

(49)  Ara RFI 1, it-tweġiba għall-mistoqsija 3.


23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 23/19


Avviż dwar l-applikazzjoni tas-Sistema tal-Esportaturi Rreġistrati tal-Unjoni Ewropea mill-Kosta tal-Avorju u mill-Madagascar skont il-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika tal-UE u l-Kosta tal-Avorju u skont il-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika tal-UE u l-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, rispettivament

(2023/C 23/04)

Dan l-avviż qed jiġi ppubblikat għall-informazzjoni tal-awtoritajiet doganali, l-importaturi u l-operaturi ekonomiċi, li huma involuti fl-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea tal-prodotti li joriġinaw minn:

il-Kosta tal-Avorju skont il-Ftehim interim ta’ Sħubija Ekonomika tal-UE u l-Kosta tal-Avorju (“il-ftehim interim tal-EPA”); u

il-Madagascar skont il-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika tal-UE u l-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar (“l-iEPA tal-UE-ESA”).

Biex tikkumplimenta l-Avviż 2022/C 452/06 tad-29 ta’ Novembru 2022, il-Kosta tal-Avorju nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea li, f’konformità maċ-Ċirkolari Nru 2226/MBPE/DGD tagħha tas-16 ta’ Novembru 2022, l-esportaturi mill-Kosta tal-Avorju huma rreġistrati fis-Sistema tal-Esportaturi Rreġistrati tal-Unjoni Ewropea (“is-Sistema REX”). Għaldaqstant, mit-2 ta’ Diċembru 2022, il-prodotti li joriġinaw mill-Kosta tal-Avorju għandhom, waqt l-importazzjoni fl-UE, jibbenefikaw mit-trattament tariffarju preferenzjali tal-Ftehim Interim tal-EPA biss jekk titressaq dikjarazzjoni tal-oriġini kif previst fl-Artikolu 21 tal-Protokoll Nru 1, minn:

(i)

esportatur mill-Kosta tal-Avorju rreġistrat fis-Sistema REX, jew

(ii)

esportatur mill-Kosta tal-Avorju għal xi konsenja li tkun pakkett wieħed jew iżjed li jkun fihom prodotti oriġinarji bil-valur totali sa EUR 6 000.

Wara avviż mill-Madagascar lill-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali tal-iEPA tal-UE-ESA li jattiva l-Artikolu 18(3) tal-Protokoll 1 tal-iEPA tal-UE-ESA (1), u mingħajr preġudizzju għall-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 18(2) u 29 tal-Protokoll 1, mill-1 ta’ Jannar 2023, il-prodotti li joriġinaw mill-Madagascar għandhom, waqt l-importazzjoni fl-UE, jibbenefikaw mit-trattament tariffarju preferenzjali tal-iEPA tal-UE-ESA biss jekk titressaq dikjarazzjoni fattura kif previst fl-Artikolu 23 tal-Protokoll 1, minn:

(i)

esportatur mill-Madagascar irreġistrat fis-Sistema REX, jew

(ii)

esportatur mill-Madagascar għal xi konsenja li tkun pakkett wieħed jew iżjed li jkun fihom prodotti oriġinarji bil-valur totali sa EUR 6 000.

Minn dik id-data, il-paragrafi 1(a) u (b) tal-Artikolu 18 ma għandhomx jibqgħu japplikaw għall-importazzjonijiet fl-UE tal-prodotti li joriġinaw mill-Madagascar.


(1)  Kif emendat bid-Deċiżjoni 1/2020 tal-14 ta’ Jannar 2020 tal-Kumitat tal-EPA tal-UE-ESA


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 23/20


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10959 – SATS / TEMASEK / PH 243WFS)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2023/C 23/05)

1.   

Fis-16 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

WFS Global Holdings S.A.S. (“WFS”, Franza),

SATS Ltd (“SATS”, Singapore), ikkontrollata minn Temasek Holdings (Private) Limited (“Temasek”, Singapore).

SATS, permezz ta’ SATS International SAS, se takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll esklużiv ta’ WFS kollha kemm hi.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma dawn li ġejjin:

WFS tipprovdi prinċipalment servizzi ta’ mmaniġġar tal-merkanzija (inklużi l-ħażna u l-ħżin tal-merkanzija, is-servizzi relatati mal-merkanzija, il-loġistika globali għat-trasport tal-merkanzija bl-ajru u l-ġestjoni tal-faċilitajiet tal-merkanzija). Barra minn hekk, WFS tipprovdi servizzi ta’ groundhandling (inklużi servizzi ta’ rampa, bagalji u passiġġieri), u, barra miż-ŻEE, servizzi ta’ inġinerija u manutenzjoni għal tagħmir tal-ajruport u tagħmir tal-infrastruttura tal-fuel fl-Amerka ta’ Fuq,

SATS tipprovdi servizzi fuq l-art, immaniġġar tal-merkanzija u servizzi oħra relatati mal-avjazzjoni prinċipalment fl-Asja. Finalment hija kkontrollata minn Temasek, kumpanija ta’ investiment prinċipalment attiva f’Singapore u l-bqija tal-Asja. L-investimenti tagħha jkopru diversi industriji, inklużi s-servizzi finanzjarji, it-trasport, it-teknoloġiji industrijali, it-telekomunikazzjonijiet, il-media u t-teknoloġija, il-konsumatur u l-proprjetà immobbli, eċċ. Temasek tikkontrolla wkoll lil Singapore Airlines, kumpanija tal-avjazzjoni li tipprovdi servizzi tat-trasport bl-ajru għall-passiġġieri u l-merkanzija, servizzi ta’ lounge tal-ajruport u servizzi tekniċi, ta’ manutenzjoni u tiswija, kif ukoll Gategroup, li jipprovdi, fost l-oħrajn, servizzi ta’ catering matul it-titjira, servizzi ta’ bejgħ bl-imnut abbord, tagħmir ta’ catering waqt it-titjira u servizzi relatati, lounges tal-ajruporti u servizzi ‘ ħwienet fl-ajruport.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil partijiet terzi interessati jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.10959 – SATS / TEMASEK / PH 243WFS

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz tal-posta:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 23/22


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda ta’ termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid f’konformità mal-Artikolu 28(3) u mal-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni 'Landwein', 'Qualitätswein', 'Kabinett/Kabinettwein', 'Spätlese/Spätlesewein', 'Auslese/Auslesewein', 'Strohwein', 'Schilfwein', 'Eiswein', 'Ausbruch/Ausbruchwein', 'Trockenbeerenauslese', 'Beerenauslese/Beerenauslesewein'

(2023/C 23/06)

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni f’konformità mal-Artikoli 22(1) u 27(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/34 (1). L-istqarrijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien xahrejn mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

Applikazzjoni għal emenda li tikkonċerna t-terminu tradizzjonali

’Landwein', 'Qualitätswein', 'Kabinett/Kabinettwein', 'Spätlese/Spätlesewein', 'Auslese/Auslesewein', 'Strohwein', 'Schilfwein', 'Eiswein', 'Ausbruch/Ausbruchwein', 'Trockenbeerenauslese', 'Beerenauslese/Beerenauslesewein'

Data tal-wasla tal-applikazzjoni: 21 ta' Lulju 2022

Għadd ta’ paġni (inkluż din il-paġna): 3

Lingwa tal-applikazzjoni għal modifika: Il-Ġermaniż

Numru tal-fajl: Ares(2022)5310562

Termini tradizzjonali li għalihom qed tintalab il-modifika: 'Landwein', 'Qualitätswein', 'Kabinett/Kabinettwein', 'Spätlese/Spätlesewein', 'Auslese/Auslesewein', 'Strohwein', 'Schilfwein', 'Eiswein', 'Ausbruch/Ausbruchwein' 'Trockenbeerenauslese', 'Beerenauslese/Beerenauslesewein'.

Applikant: Bundesministerium für Land- und Forstwirtschaft, Regionen und Wasserwirtschaft

L-indirizz sħiħ (in-numru u l-isem tat-triq, il-belt/ir-raħal u l-kodiċi postali, il-pajjiż):

Stubenring 1

1010 Wien

Österreich

Nazzjonalità: Awstrijak/a

Telefon, feks, posta elettronika:

Tel. +43 171100602840

Email: abt-27@bml.gv.at

Deskrizzjoni tal-modifika: Ir-rendiment massimu għal kull ettaru tneħħa mid-definizzjoni tat-termini tradizzjonali msemmija hawn fuq.

Spjegazzjoni tar-raġunijiet għall-modifika: L-Awstrija tipproteġi t-termini tradizzjonali “Landwein”, “Qualitätswein”, “Kabinett/Kabinettwein”, “Spätlese/Spätlesewein”, “Auslese/Auslesewein”, “Strohwein”, “Schilfwein”, “Eiswein”, “Ausbruch/Ausbruchwein”, “Trockenbeerenauslese” u “Beerenauslese/Beerenauslesewein” permezz tal-Liġi Awstrijaka dwar l-Inbid tas-17 ta’ Novembru 2009 (2). Dawk it-termini bħalissa jispeċifikaw rendiment massimu ta’ 9 000 kg/ettaru. Madankollu, it-termini tradizzjonali jistgħu jintużaw biss flimkien ma’ denominazzjoni tal-oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta, li l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom iridu diġà jiddefinixxu rendiment massimu. Huwa għalhekk xieraq li jitħassar ir-rendiment massimu msemmi fid-definizzjoni tat-termini tradizzjonali msemmija hawn fuq.

Isem il-firmatarju/a: Bundesministerium für Land- und Forstwirtschaft, Regionen und Wasserwirtschaft


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 46.

(2)  Bundesgesetz über den Verkehr mit Wein und Obstwein (Weingesetz 2009).


23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 23/24


Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

(2023/C 23/07)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1)

L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ din l-emenda minuri tista’ tiġi kkonsultata fil-bażi tad-data eAmbrosia tal-Kummissjoni

DOKUMENT UNIKU

“MANTECADAS DE ASTORGA”

Nru tal-UE: PGI-ES-0311-AM01 – 19.02.2021

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem

“Mantecadas de Astorga”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.    Tip ta’ prodott

Klassi 2.3. Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara

3.2.    Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Mantecadas de Astorga” huma prodott tal-ħelu magħmul mill-ħami ta’ taħlita magħmula mill-ingredjenti bażiċi li ġejjin: dqiq tal-qamħ għal kull skop, bajd tat-tiġieġ, butir tal-ħalib, xaħam u zokkor.

Irid ikollhom il-karatteristiċi morfoloġiċi, organolettiċi u fiżikokimiċi li ġejjin:

a)

Morfoloġiċi:

Il-Mantecadas huma dejjem magħmula f’forom kwadri żgħar u miftuħa tal-karti kraft tajbin għall-użu mal-ikel bil-ġnub mitwija.

Meta tinħema, it-taħlita togħla biex tifforma forma tonda mingħajr truf dritti li titla’ ’l fuq iktar mill-forma, u tifforma effett ta’ tixrid magħrufa bħala l-lágrima de la mantecada (id-demgħa ta’ mantecada). Din il-parti tal-prodott tista’ tkun kannella skur iżda qatt ma tkun maħruqa.

Il-qiegħ tal-forma jrid ikun kemxejn kannella iżda mhux maħruq.

Wara li jinħmew, kull mantecada fil-forma tagħha trid tiżen bejn 25 g u 35 g.

b)

Organolettiċi:

Il-parti ta’ fuq tal-prodott għandha tkun soda, ta' lewn kannella dehbi u ġejja għat-tond, bi frak taz-zokkor viżibbli fuq il-wiċċ.

Irid ikun possibbli li l-forma titneħħa faċilment mill-kejk, li possibbilment tista’ tħalli ftit frak kannella skura imwaħħla miegħu, u ma jridx jidher għasra bil-grass.

Il-parti ta’ ġewwa tal-kejk trid tkun ratba u qisha sponża.

Il-kulur tal-farka jista’ jvarja minn beige ċar għal isfar, skont il-kulur tal-butir u l-bajd użati.

It-togħma hija fil-biċċa l-kbira ħelwa, b’togħma qawwija u aroma ta’ butir u bajd; iz-zokkor fuq il-wiċċ irid jkun perċettibbli meta jittiekel. Il-komponent xaħmi tal-mantecada joħloq ċerta sensazzjoni ta’ tixrib fil-ħalq, li tagħmel il-prodott jidher saħansitra aktar mimli u artab. Il-parti ta’ ġewwa tal-kejk hija ratba u mhix ħarxa fil-palat.

c)

Fiżikokimiċi:

kontenut ta’ ilma: mill-inqas 13 % u mhux aktar minn 19 %

proteini: mill-anqas 6 %

xaħam: mill-inqas 20 % u mhux aktar minn 27 %

karboidrati (glukożju): mill-anqas 45 %

irmied: mhux aktar minn 1,70 %

attività tal-ilma (aw): mill-inqas 0,7 u mhux aktar minn 0,9

3.3.    Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-“Mantecadas de Astorga” huma magħmula esklużivament mill-ingredjenti li ġejjin fil-proporzjonijiet iddikjarati: dqiq tal-qamħ għal kull skop b’qawwa ta’ bejn 100 u 150 erg u proporzjon P/L ta’ bejn 0,28 u 0,60 (30 % [+/- 4 %]), bajd tat-tiġieġ bil-qoxra jew ippasturizzat (23 % [+/- 3 %]), xaħam (23 % [+/- 3 %]) fil-forma ta’ butir tal-ħalib u xaħam (6 %-7,8 %) u zokkor fil-forma ta’ zokkor abjad (20 % [+/- 4 %]). Fuq għażla tal-produttur, jistgħu jiżdiedu ingredjenti minuri oħra, bħall-għasel, ix-xropp tal-glukożju, id-destrożju, iz-zokkor invertit jew tipi oħra differenti ta’ zokkor (mhux aktar minn 3 % tal-ammont totali ta’ zokkor); barra minn hekk, togħma tal-butir, aġenti umidifikanti, aġenti għollejja, emulsjonanti u preservattivi permessi.

3.4.    Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha fil-produzzjoni, jiġifieri l-arjazzjoni tax-xaħam, it-taħbit tal-bajd u z-zokkor, il-preparazzjoni tat-taħlita, is-seffid bil-manx, it-traxxix taz-zokkor fuq il-wiċċ u l-ħami, isiru fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4.

3.5.    Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-prodott irid jiġi ppakkjat fl-istess impjant (reġistrat) li fih jiġi prodott, f’kaxxi tal-injam, laned jew kaxxi tal-kartun, jew ippakkjat minn qabel jew ippakkjat bl-ingrossa f’boroż tal-plastik. L-ippakkjar jista’ jingħalaq b’numru ta’ modi differenti.

3.6.    Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Kwalunkwe ppakkjar li fih il-prodott jintbagħat għall-konsum irid ikollu tikketta taċ-ċertifikazzjoni nnumerata li trid tinkludi s-simbolu tal-IĠP tal-UE u l-isem “Garbanzo de Fuentesaúco”, flimkien mal-logo proprju tal-IĠP.

It-tikketti jridu jitwaħħlu fl-impjant tal-ippakkjar b’tali mod li ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw.

Il-logo proprju tal-IĠP huwa:

Image 1

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-prodott li għandu jiġi kopert mill-indikazzjoni ġeografika protetta “Mantecadas de Astorga” jiġi prodott u ppakkjat fil-muniċipalitajiet li ġejjin fil-provinċja ta’ León:

Astorga, Brazuelo, San Justo de la Vega u Valderrey.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Intalbet protezzjoni għall-“Mantecadas de Astorga” minħabba r-reputazzjoni tagħhom ibbażata fuq metodu ta’ produzzjoni partikolari u r-riċetta tradizzjonali, li huma speċifiċi għaż-żona ġeografika ddefinita u għadhom jintużaw sal-lum.

Il-faturi umani kellhom sehem kbir fil-popolarità tiegħu, b’mod partikolari x-xogħol tal-cajilleras (il-produtturi tal-forom). Dawn in-nisa kienu jagħmlu l-cajillas, il-forom tal-karti li l-mantecadas tipikament kienu jinħmew fihom. Fil-belt il-qadima bis-swar ta’ Astorga, jidhru fi tpinġija fuq ħajt, li saret fl-2016 u hija kopja ta’ ritratt meħud fl-1927, u li l-viżitaturi kollha jieqfu biex jieħdu ritratt tagħha. Din hija prova tar-rabta qawwija bejn il-mantecadas u l-belt.

Il-karatteristiċi tal-prodott huma dovuti wkoll għall-oriġini ġeografika tiegħu, f’termini tal-għarfien lokali speċifiku, li jfisser li r-riċetta tradizzjonali għadha tintuża sal-lum. L-użu tal-butir huwa l-aspett l-aktar distintiv tal-produzzjoni tal-mantecada u huwa dan li jiddistingwi l-mantecadas minn tipi oħra ta’ panedispanja (il-bollos, il-bizcochos u l-magdalenas), li normalment jiġu magħmula b’xaħmijiet u/jew żjut oħra, u dan jagħtihom il-kulur isfar tagħhom u r-riħa karatteristika tal-butir.

Hija importanti wkoll ir-riċetta, li tvarja skont jekk għandhiex ammont akbar ta’ bajd u butir, skont l-għarfien speċjali ta’ kull furnar dwar il-kompożizzjoni u l-metodu tal-użu perfetti, li ġie mgħoddi minn ġenerazzjoni għal oħra sal-lum il-ġurnata.

Il-karatteristika unika finali hija s-seffid bil-manx tat-taħlita f’forom u l-ħami f’temperatura moderata biex jiġi żgurat li tixxerred minn fuq il-wiċċ biex tifforma d-demgħa tal-“mantecada”.

Referenzi reċenti li jattestaw ir-reputazzjoni tal-“Mantecadas de Astorga” jinkludu:

Fil-15 ta’ Lulju 2021, il-programm ta’ RTVE (Radiotelevisión Española) programme España Directo (34 m, 30 s) inkluda rapport dwar il-mantecadas, li ddeskrivihom bħala ħelu li ġab fama internazzjonali għall-belt ta’ Astorga f’León u wera kif isir skont riċetta li hija eqdem minn mitejn sena u li għadha tintuża sal-lum (https://www.rtve.es)/.

Ir-reputazzjoni tal-mantecadas ta’ León hija enfasizzata wkoll f’artiklu fil-Condé Nast Traveler bl-isem “Por qué León debería ser Capital Gastronómica 2018”, ippubblikat fit-13 ta’ Ottubru 2017, li jargumenta favur León: “minħabba l-botillo del Bierzo tiegħu, is-cecina de León tiegħu, il-lechazo tiegħu, it-ternera del Bierzo tiegħu, il-mantecadas de Astorga tiegħu, (…)”.

Ta’ min jinnota li l-prodott huwa elenkat f’diversi katalgi uffiċjali ta’ prodotti tal-ikel ta’ kwalità, bħall-Inventario Español de Productos Tradicionales [L-Inventarju Spanjol tal-Prodotti Tradizzjonali], ippubblikat mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Ikel fl-1996, u l-Inventario de Productos Agroalimentarios de Calidad de Castilla y León [L-Inventarju tal-Prodotti Agroalimentari ta’ Kwalità ta’ Kastilja u León], ippubblikat mill-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Kastilja u León (2001).

Fl-2006, inħareġ timbru tal-posta biex jikkommemora t-tieni anniversarju mill-għoti tal-istatus ta’ IĠP lill-“Mantecadas de Astorga” minn Correos, il-fornitur tas-servizz tal-posta universali ta’ Spanja, bil-logo u s-simbolu tiegħu stess.

Hemm ukoll ħafna referenzi storiċi għall-“Mantecadas de Astorga”:

L-ewwel referenza biblijografika tmur lura għas-seklu 18 u tindika li sors wieħed possibbli għar-riċetta għall-“Mantecadas de Astorga” jista’ jkun Juan de la Mata, “id-dulċier tal-Palazz, minn Matalavilla, fil-muniċipalità ta’ Sil de Arriba, Montañas u r-Renju ta’ León u d-djoċesi ta’ Oviedo”, li l-ktieb tiegħu Arte de Repostería [L-Arti tal-Ħelu], ippubblikat f’Madrid fl-1747 minn António Martín, fih ir-riċetta. Edizzjoni aktar riċenti ġiet ippubblikata minn La Olmeda, Burgos, fl-1992.

Ir-rekords għall-1805 miżmuma fl-arkivji tad-djoċesi ta’ Astorga jirreferu għall-“Mantecadas de Astorga” bħala ħelu li jittiekel fil-Milied, magħmul mid-dulċiera Máximo Matheo u Francisco Calbo.

Hemm ħafna referenzi li jindikaw li r-riċetta oriġinat minn soru mill-Kunvent ta’ Sancti Spiritus f’Astorga, li wara telqet mill-kunvent u ppopolarizzat il-prodott. Skont xi verżjonijiet, setgħet kienet María Josefa Gonzáles Prieto, li żżewġet lil Tomás Rubio fid-9 ta’ Novembru 1851.

Id-Diccionario Doméstico. Tesoro de las familias o Repertorio Universal de Conocimientos útiles [Id-Dizzjunarju Domestiku, it-Teżawru tal-Familji u l-Kompendju ta’ Għarfien Utli] ta’ Don Balbino Cortés y Morales (1876) jinkludi riċetta tal-“Mantecadas de Astorga”, li tirreferi għalihom bħala ħelu famuż.

L-Almanakk ta’ Bailly-Bailliere tal-1891, li jirreferi għall-belt ta’ Astorga f’paġna 1495, isemmi 12-il fabbrika tal-mantecada hemmhekk.

L-Almanakk ta’ Riera tal-1901 jirreferi għal 11-il fabbrika tal-mantecada f’Astorga f’paġna 1167.

L-Almanakk ta’ Bailly-Bailliere l-ġdid tal-1916 f’paġna 3179 jirreferi għal disa’ produtturi tal-mantecada f’Astorga u saħansitra jinkludi reklami għal tnejn minnhom. Dwar Astorga jgħid li l-belt “hija magħrufa għaċ-ċikkulata u l-mantecadas”.

Skont il-Kamra tal-Kummerċ tal-belt, il-kwantità ta’ “Mantecadas de Astorga” ttrasportata mill-ferroviji Spanjoli fl-1930 (il-kumpanija ferrovjarja tat-Tramuntana u tal-Punent ta’ Spanja) kienet ta’ 188 710 kg.

Benito Pérez Galdós (1843-1920), f’wieħed mir-rumanzi l-aktar rappreżentattivi tiegħu, Fortunata y Jacinta (1886-87), isemmi l-Mantecadas de Astorga u La Maragatería:

 

“(…) Minn barra Jacinta stajr nara btieti ta’ żebbuġ f’piramidi għoljin sular, altari magħmula minn kaxxi tal-marżipan, trofej ta’ żbib u arkati trijonfanti miksija bit-tamal. (…) Aktar ’il bogħod kien hemm il-mantecadas minn Astorga mbierka mill-Qdusija Tiegħu Piju IX. (…)”

 

“(…) Don Pedro Manuel de Jáuregui (…). Bħala persuna mwielda fil-provinċja ta’ León, huwa rċieva ċestuni kbar ta’ bajd u prodotti oħra tal-pollam. (…) Matul l-istaġun tal-Milied, Jáuregui rċieva wkoll konsenji tal-mantecadas minn Astorga, u l-aġenti tal-bejgħ kollha minn La Maragatería li kienu f’Madrid kienu jmorru d-dar tiegħu għall-ordnijiet u l-pagamenti. (…)”

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://www.itacyl.es/documents/20143/342640/1_%2830-09-20%29+3+-+Pliego+Mant++Modif.pdf/4cf68d91-ad5e-f535-f31f-1a901b22ee85?t=1603287920636


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.