ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 297A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 65
4 ta' Awwissu 2022


Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 297 A/01

Sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għall-membri tal-Kumitat Xjentifiku tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) — Numru ta’ referenza: CEI-SCIE-2022

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

4.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 297/1


Sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għall-membri tal-Kumitat Xjentifiku tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)

Numru ta’ referenza: CEI-SCIE-2022

(2022/C 297 A/01)

B’din is-sejħa l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) qiegħda tiftaħ 11-il kariga fil-Kumitat Xjentifiku tagħha. Il-mandat tal-membri l-ġodda se jibda fl-4 ta’ Ġunju 2023 u jispiċċa fit-3 ta’ Ġunju 2028.

L-FRA hija l-korp espert speċjalizzat tal-Unjoni Ewropea bl-inkarigu li tipprovdi parir ibbażat fuq l-evidenza fil-qasam tad-drittijiet fundamentali lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri tal-UE (meta jaġixxu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE).

Filwaqt li tagħmel parti mill-amministrazzjoni ġenerali tal-UE, l-Aġenzija hija entità distinta li tinsab fi Vjenna. Il-Kumitat Xjentifiku attwali tagħha huwa grupp stmat ta’ esperti dwar id-drittijiet tal-bniedem magħrufa fuq livell internazzjonali. Il-membri tiegħu, ħafna minnhom professuri tal-università, ġejjin minn dixxiplini differenti u kellhom karigi ta’ livell għoli, inklużi l-Viċi President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Presidenti tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-Rapporteurs Speċjali tan-NU, il-Membri tal-Kumitati ta’ monitoraġġ internazzjonali u rwoli oħrajn simili.

Il-Kumitat Xjentifiku huwa ċentru ta’ esperti b’kompetenzi eċċellenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jissorvelja x-xogħol tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

Il-kariga ta’ membru tal-Kumitat Xjentifiku tal-FRA hija ferm prestiġjuża u tirrikjedi impenn sħiħ u investiment konsiderevoli ta’ żmien. Il-Kumitat Xjentifiku ngħata l-mandat li jiggarantixxi l-kwalità xjentifika tal-ħidma tal-FRA fl-ispettru kollu tad-drittijiet fundamentali. Il-membri jiltaqgħu tal-inqas erba’ darbiet fis-sena fil-post tal-FRA fi Vjenna jew mill-bogħod.

1.   L-AĠENZIJA

L-FRA hija Aġenzija tal-Unjoni Ewropea bbażata fi Vjenna, l-Awstrija (1).

L-objettiv tal-FRA huwa li tipprovdi assistenza u għarfien espert relatati mad-drittijiet fundamentali lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji u awtoritajiet tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni Ewropea sabiex tappoġġjahom meta jieħdu miżuri jew ifasslu korsijiet ta’ azzjoni fi ħdan l-isferi rispettivi ta’ kompetenza tagħhom bil-għan li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali (2).

L-FRA tiffoka fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE u fis-27 Stat Membru tagħha. Il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni mal-UE jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw (3).

L-FRA tinkludi l-korpi li ġejjin:

Il-Bord ta’ Tmexxija

Il-Bord Eżekuttiv

Il-Kumitat Xjentifiku

Id-Direttur

Il-Persunal tal-aġenzija

2.   IL-KUMITAT XJENTIFIKU

Din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess tistieden lill-esperti, li għandhom l-esperjenza meħtieġa f’dixxiplina xjentifika waħda jew aktar fil-qasam tad-drittijiet fundamentali biex jesprimu l-interess tagħhom li jsiru membri tal-Kumitat Xjentifiku tal-Aġenzija.

Skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 1 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007, emendat mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/555 (4) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament”) li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (minn hawn ’il quddiem l-“Aġenzija”), il-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija għandu jaħtar Kumitat Xjentifiku li għandu jkun magħmul minn 11-il persuna indipendenti, bi kwalifiki għoljin fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, b’kompetenzi adegwati fil-kwalità xjentifika u fil-metodoloġiji tar-riċerka.

Ir-Rwol tal-Kumitat Xjentifiku

F’konformità mal-Artikolu 14, il-paragrafu 5 tar-Regolament, il-Kumitat Xjentifiku għandu jkun il-garanti tal-kwalità xjentifika tax-xogħol tal-Aġenzija u għandu jagħti parir lid-Direttur u lill-Aġenzija dwar il-metodoloġija tar-riċerka xjentifika applikata fix-xogħol tal-Aġenzija.

Għal dak il-għan, id-Direttur għandu jinvolvi lill-Kumitat Xjentifiku fit-tħejjija tad-dokumenti mfassla fil-kuntest tal-kompiti li l-Aġenzija hija inkarigata bihom, skont l-Artikolu 4, il-paragrafu 1(a-f) u (h) tar-Regolament:

Il-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-analiżi u t-tixrid ta’ informazzjoni u data rilevanti, oġġettivi, affidabbli u komparabbli, inklużi riżultati minn riċerka u monitoraġġ ikkomunikati lilha mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, minn ċentri tar-riċerka, korpi nazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari mill-korpi kompetenti tal-Kunsill tal-Ewropa;

L-iżvilupp ta’ metodi u standards biex jittejbu l-komparabilità, l-oġġettività u l-affidabilità tad-data dwar id-drittijiet fundamentali fil-livell Ewropew, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE;

It-twettiq, il-kooperazzjoni ma’ jew l-inkoraġġiment ta’ riċerka u stħarriġ xjentifiċi, studji preparatorji u studji ta’ fattibilità, inkluż, fejn ikun xieraq u kompatibbli mal-prijoritajiet tagħha u mal-programmi ta’ ħidma annwali u pluriennali tagħha, fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni;

Il-formulazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ konklużjonijiet u opinjonijiet dwar suġġetti tematiċi speċifiċi, għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni;

Il-pubblikazzjoni ta’ rapport annwali dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali koperti mill-oqsma ta’ attività tal-Aġenzija, li jixħet dawl fuq eżempji ta’ prattika tajba wkoll;

Il-pubblikazzjoni ta’ rapporti tematiċi bbażati fuq l-analiżi, ir-riċerka u l-istħarriġiet proprji tal-Aġenzija;

L-iżvilupp ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni u l-promozzjoni tad-djalogu mas-soċjetà ċivili, sabiex tinħoloq sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar id-drittijiet fundamentali u b’mod attiv titqassam informazzjoni dwar ix-xogħol tal-Aġenzija.

Il-Kumitat Xjentifiku jiġi kkonsultat dwar l-abbozz tad-dokument ta’ Programmazzjoni tal-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 5a, il-paragrafu 3.

Il-funzjonament tal-Kumitat Xjentifiku

B’differenza mill-Bord ta’ Tmexxija, il-Kumitat Xjentifiku huwa korp konsultattiv li ma huwiex involut fl-amministrazzjoni u fit-tmexxija tal-Aġenzija. Fl-istess ħin, il-Kumitat huwa korp ta’ ħidma li huwa involut fil-proċessi ta’ riċerka tal-Aġenzija. Dan jimplika li l-membri huma mistennija jimpenjaw ruħhom bi sħiħ biex jagħtu kontribut sostanzjali f’termini ta’ żmien u volum ta’ xogħol għax-xogħol tal-Aġenzija; u l-input tagħhom ikun fil-forma ta’ argumenti raġunati li jikkonċernaw il-kwalità tax-xogħol tal-Aġenzija, b’mod partikolari dwar il-metodoloġija tar-riċerka xjentifika applikata, li jaf teħtieġ kontributi dettaljati bil-miktub.

Skont il-metodi ta’ ħidma attwali, il-membri individwali tal-Kumitat jistgħu jissorveljaw proġett ta’ riċerka speċifiku wieħed jew aktar bħala “rapporteurs” mit-tnissil tal-idea ta’ proġett sal-pubblikazzjoni tar-riżultati. Madankollu, id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-“kwalità xjentifika tax-xogħol tal-Aġenzija” jittieħdu b’mod kollettiv mill-membri tal-Kumitat Xjentifiku. Il-Kumitat huwa mmexxi mill-President tiegħu (5). Il-President huwa assistit minn punt ta’ kuntatt fi ħdan l-FRA.

Il-kompożizzjoni tal-Kumitat Xjentifiku

Skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 1 tar-Regolament, il-Kumitat Xjentifiku għandu jkun magħmul minn 11-il persuna indipendenti, bi kwalifiki għolja fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jaħtar lill-membri wara sejħa għal applikazzjonijiet u proċedura ta’ selezzjoni trasparenti wara li jkun ikkonsulta lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew (6).

Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jiżgura rappreżentazzjoni ġeografika indaqs fis-sħubija tal-Kumitat Xjentifiku li għandu jaħtar. Barra minn hekk, il-Bord ta’ Tmexxija għandu l-għan li jikseb parteċipazzjoni bbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fil-Kumitat Xjentifiku. Se jagħti wkoll l-attenzjoni dovuta lid-dixxiplini u l-ispeċjalizzazzjonijiet xjentifiċi bil-għan li jkopri l-oqsma differenti kif definiti fi ħdan id-dokument ta’ programmazzjoni tal-Aġenzija.

Skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 1 tar-Regolament, il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija huma preklużi milli jkunu membri tal-Kumitat Xjentifiku.

Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandhom ikunu esperti f’waħda mid-dixxiplini jew ikollhom profil interdixxiplinari relatat mad-drittijiet tal-bniedem jew rilevanti għalihom, fost l-oħrajn:

xjenzi soċjali; inklużi kandidati b’għarfien espert fl-oqsma ta’ metodoloġiji ta’ riċerka u riċerka tranżnazzjonali, riċerka komparattiva kwalitattiva u/jew kwantitattiva;

id-dritt, inklużi d-dritt kostituzzjonali komparattiv, id-dritt tal-UE u d-dritt internazzjonali;

ix-xjenzi politiċi;

l-istatistiċi.

Mandat

Il-mandat tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandu jkun ta’ ħames snin. Ma għandux jiġġedded. Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandhom ikunu indipendenti u jeħtiġilhom jikkonformaw mar-regoli ta’ kunfidenzjalità.

Il-membri jistgħu jiġu sostitwiti biss fuq it-talba tagħhom stess, jew fil-każ li huma permanentement ma jitħallewx iwettqu dmirijiethom. Madankollu, fejn membru ma jissodisfax aktar il-kriterji ta’ indipendenza, huwa għandu jirriżenja minnufih u jenħtieġ li jinforma lill-Kummissjoni Ewropea u lid-Direttur tal-Aġenzija. Bħala alternattiva, il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jiddikjara, fuq proposta ta’ terz tal-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni Ewropea, in-nuqqas ta’ indipendenza u jirrevoka lill-persuna kkonċernata.

F’tali każijiet, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jaħtar l-ewwel persuna disponibbli li tkun l-ewwel fil-lista ta’ riżerva bħala l-membru l-ġdid għall-mandat li jkun fadal. Meta jkun fadal sentejn mill-mandat, il-mandat tal-membru l-ġdid jista’ jkun għal terminu sħiħ ta’ ħames snin. Il-lista tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandha ssir pubblika u għandha tiġi aġġornata mill-Aġenzija fuq is-sit web tagħha.

Laqgħat tal-Kumitat Xjentifiku

Skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 6 tar-Regolament, il-Kumitat Xjentifiku għandu jiltaqa’ erba’ darbiet fis-sena f’sessjoni plenarja. Il-laqgħat se jsiru jew fis-sede tal-Aġenzija (Vjenna) jew mill-bogħod permezz ta’ vidjokonferenza. Jistgħu jissejħu laqgħat straordinarji. Il-membri huma mistennija jipparteċipaw f’dawn il-laqgħat u jagħtu kontribut sostanzjali f’termini ta’ żmien u volum ta’ xogħol, inklużi rieżami u kummenti dwar il-materjal sottomess lilhom – li preferibbilment jenħtieġ li jkunu f’forma miktuba u sostanzjata.

Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandhom ikunu intitolati għal indennizzi relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-Kumitat Xjentifiku (7).

3.   KWALIFIKI U ESPERJENZA MEĦTIEĠA, KRITERJI TA’ VALUTAZZJONI

A.   Kriterji ta’ eliġibilità

Dawk li japplikaw biex jissieħbu mal-Kumitat Xjentifiku jridu jissodisfaw l-erba’ kriterji li ġejjin:

Ikollhom grad universitarju postgradwatorju f’qasam xjentifiku rilevanti;

Ikollhom seba’ snin esperjenza professjonali pprovata relatata mad-drittijiet fundamentali fil-kuntest ta’ dixxiplini bħax-xjenzi soċjali, ix-xjenzi politiċi, id-dritt u/jew l-istatistika – wara li jkunu kisbu l-grad imsemmi hawn fuq;

Ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE jew ta’ Stat li jipparteċipa fix-xogħol tal-FRA bħala osservatur skont l-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007, emendat mir-Regolament (UE) 2022/555;

Għarfien profond (livell minimu C1) tal-Ingliż u għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2) ta’ lingwa oħra tal-UE (8).

B.   Kriterji ta’ selezzjoni

ESSENZJALI

Il-ħames rekwiżiti essenzjali għas-selezzjoni tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku huma:

Eċċellenza xjentifika: eċċellenza xjentifika relatata strettament mal-oqsma tal-mandat tal-Aġenzija, murija mill-pubblikazzjonijiet f’oqsma rilevanti jew f’indikaturi oħra ta’ esperjenza professjonali rilevanti li jinvolvu tali dixxiplini bħalma huma d-dritt, ix-xjenzi soċjali, ix-xjenzi politiċi, l-istatistika, il-ġeografija, l-ekonomija, l-antropoloġija jew il-ġurnaliżmu;

Esperjenza tranżnazzjonali u komparattiva: esperjenza estensiva li jkunu ħadmu u/jew wettqu riċerka komparattiva kwalitattiva u kwantitattiva f’aktar minn pajjiż wieħed fl-oqsma relatati mill-qrib max-xogħol tal-Aġenzija;

Għarfien profond dwar id-drittijiet fundamentali/tal-bniedem fil-prattika: esperjenza estensiva fir-rigward tal-implimentazzjoni legali, tax-xjenzi soċjali, tal-politiki u/jew prattika tad-drittijiet fundamentali/tal-bniedem fil-prattika – bħal esperjenza ta’ ħidma fuq il-post, analiżi ta’ data, governanza u demokrazija, fejn ikunu taw parir tekniku u ġudizzji legali, u ħadmu f’organizzazzjoni internazzjonali governattiva jew mhux governattiva, inklużi korpi ta’ monitoraġġ;

Għoti ta’ opinjonijiet u/jew ta’ rakkomandazzjonijiet: Esperjenza fl-abbozzar ta’ opinjonijiet, jew rakkomandazzjonijiet fil-livell nazzjonali jew internazzjonali relatati mal-oqsma ta’ interess tal-Aġenzija;

Ingliż Xjentifiku Eċċellenti: għarfien eċċellenti tal-Ingliż miktub u mitkellem. Fil-Kumitat Xjentifiku, l-Ingliż (9) huwa l-lingwa użata fil-komunikazzjoni orali kif ukoll f’dik bil-miktub.

VANTAĠĠ

L-erba’ kriterji li ġejjin se jitqiesu bħala vantaġġi miżjuda:

Il-kandidat ikollu jew kellu kattedra jew karigi oħrajn xprunati mir-riċerka permanenti f’istituzzjoni akkademika;

Grad ta’ dottorat;

Esperjenza professjonali f’ambjent interdixxiplinari, preferibbilment f’kuntest internazzjonali;

Esperjenza fit-tixrid ta’ sejbiet tar-riċerka lil udjenzi multipli b’mod innovattiv u effiċjenti.

B’mod partikolari l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija hawn fuq se tiġi vvalutata skont l-iskala ta’ punti, fatti u provi ta’ mertu li ġejja:

1.

Eċċellenza xjentifika (0–30 punt)

Pubblikazzjonijiet xjentifiċi rilevanti – minimu ta’ 10 pubblikazzjonijiet ta’ kwalità għolja;

Opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew konklużjonijiet esperti rilevanti mogħtija lil awtoritajiet pubbliċi;

Proġetti ta’ riċerka rilevanti fi Stati Membri differenti tal-UE;

Tagħlim rilevanti fi Stati Membri differenti tal-UE u esperjenza fi rwol ta’ presidenza waqt konferenzi internazzjonali, fil-parteċipazzjoni fi gruppi ta’ ħidma internazzjonali u fi proġetti multidixxiplinari.

2.

Esperjenza tranżnazzjonali u komparattiva (0-15-il punt)

Esperjenza rilevanti ta’ ħidma fuq il-post, inkluż eż. stħarriġiet multinazzjonali, li janalizzaw kemm data kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva;

Esperjenza rilevanti fl-għoti ta’ pariri dwar politiki u pariri legali f’kuntest internazzjonali jew tranżnazzjonali;

Esperjenza rilevanti fit-tqabbil ta’ sistemi politiċi u dritt kostituzzjonali komparattiv (UE);

3.

Għarfien profond dwar id-drittijiet fundamentali/tal-bniedem fil-prattika u fil-politika (0-15-il punt)

Esperjenza rilevanti fl-amministrazzjoni pubblika jew fil-qasam tal-politiki, inklużi karigi ta’ tmexxija attwali jew fl-imgħoddi;

Esperjenza rilevanti fil-Ġudikatura, inklużi karigi ta’ tmexxija attwali jew fl-imgħoddi;

Esperjenza rilevanti f’Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi, inklużi karigi ta’ tmexxija attwali jew fl-imgħoddi;

Esperjenza rilevanti f’Istituzzjonijiet Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem jew korpi oħrajn għad-drittijiet tal-bniedem fil-livell nazzjonali, inklużi karigi ta’ tmexxija attwali jew fl-imgħoddi;

Esperjenza rilevanti fid-drittijiet fundamentali f’livell internazzjonali, inklużi karigi ta’ tmexxija attwali jew fl-imgħoddi.

4.

Għoti ta’ opinjonijiet u/jew rakkomandazzjonijiet/konklużjonijiet (0-15-il punt)

Esperjenza estensiva fit-tisrif ta’ riċerka xjentifika f’rakkomandazzjonijiet rilevanti għall-prattika;

Esperjenza estensiva fl-għoti ta’ opinjonijiet esperti konċiżi u rilevanti għall-politiki lil amministrazzjonijiet pubbliċi u NGOs;

Esperjenza estensiva bħala editur xjentifiku;

Esperjenza fil-komunikazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali lil pubbliku ġenerali.

5.

Ingliż Xjentifiku Eċċellenti (0-10 punti)

Ingliż xjentifiku miktub eċċellenti;

Esperjenza estensiva fil-kitba xjentifika u editjar bl-Ingliż.

Il-kriterji indikati bħala vantaġġużi se jingħataw bejn 0-5 punti b’kollox.

Fil-fażi ta’ selezzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-bżonn li jiġi żgurat bilanċ ġeografiku u bilanċ bejn is-sessi ġust.

4.   SOTTOMISSJONI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Il-kandidati huma mitluba jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom b’mod elettroniku permezz tas-sit web tal-Aġenzija:

http://fra.europa.eu/en/about-fra/recruitment/vacancies

Se jiġu aċċettati applikazzjonijiet online biss. Applikazzjoni titqies ammissibbli biss jekk tinkludi:

ittra ta’ interess (massimu ta’ paġna waħda);

formola ta’ reġistrazzjoni li l-link tagħha jista’ jiġi aċċessat mis-sit web tal-Aġenzija fil-paġna relatata ma’ din is-Sejħa għal Espressjonijiet ta’ Interess;

lista ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi f’kotba u ġurnali rieżaminati bejn il-pari, inklużi l-astratti tal-aktar ħames artikli rilevanti (jenħtieġ li tlieta minn dawn l-astratti jkunu bl-Ingliż).

Jistgħu jintalbu dokumenti ta’ prova oħrajn aktar tard matul il-proċedura ta’ selezzjoni.

Jistgħu jintalbu kjarifiki dwar is-sejħa u l-proċedura ta’ applikazzjonijiet mill-indirizz li ġej:

selection-scientific-committee@fra.europa.eu

5.   PROĊEDURA TA’ SELEZZJONI, ĦATRA U MANDAT

Preselezzjoni

Id-Direttur għandu jissorvelja x-xogħol tal-panel ta’ preselezzjoni għall-membri tal-Kumitat Xjentifiku. Huwa għandu jippresjedi panel ta’ preselezzjoni, ifformat mill-Kapijiet tal-Unità tal-Aġenzija u persuna maħtura għal dan l-iskop mill-Kunsill tal-Ewropa. Żewġ membri tal-Bord ta’ Tmexxija tal-FRA, kif ukoll membru wieħed tal-Kumitat Xjentifiku attwali, jistgħu jattendu l-panel ta’ preselezzjoni bħala osservaturi.

Il-panel ta’ preselezzjoni għandu jivverifika l-eliġibilità tal-kandidati, skont ir-rekwiżiti ta’ eliġibilità. Nuqqas ta’ konformità ma’ wieħed minn dawn ir-rekwiżiti jirriżulta fl-esklużjoni tal-kandidat ikkonċernat mill-istadji li jkun imiss fil-proċess ta’ selezzjoni.

Imbagħad, il-panel ta’ preselezzjoni għandu jivvaluta kull kandidat eliġibbli skont ir-rekwiżiti għas-selezzjoni.

Id-Direttur għandu jippreżenta r-riżultati tal-proċess ta’ preselezzjoni lill-Bord Eżekuttiv tal-Aġenzija, inkluża l-informazzjoni dwar il-kandidati meqjusa ineliġibbli.

Selezzjoni

Il-Bord Eżekuttiv għandu jivvaluta lill-kandidati kollha abbażi tar-rekwiżiti tas-selezzjoni stabbiliti.

F’din il-valutazzjoni, il-Bord Eżekuttiv għandu jqis:

Ix-xogħol tal-panel ta’ preselezzjoni;

Il-ħtieġa li l-oqsma ta’ għarfien espert tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandhom ikopru l-aktar oqsma rilevanti tal-ħidma tal-Aġenzija;

Il-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ ġeografiku u bilanċ bejn il-ġeneri tajjeb.

Il-Bord Eżekuttiv permezz tal-President tiegħu għandu jissottometti lista tal-aktar kandidati eliġibbli lill-Bord ta’ Tmexxija. Jenħtieġ li din il-lista tinkludi aktar minn 11-il isem u inqas minn 22 isem. Il-lista se tinkludi wkoll punti ta’ mertu, konklużjoni rigward l-adegwatezza bħala membru tal-Kumitat Xjentifiku għal kull kandidat, rekord tal-kandidati mhux inklużi fil-listi msemmija hawn fuq kif ukoll tal-kandidati meqjusa ineliġibbli.

Is-servizzi tal-Aġenzija għandhom jipprovdu appoġġ tekniku u loġistiku għall-proċess ta’ selezzjoni.

Ħatra

Abbażi tal-lista sottomessa mill-Bord Eżekuttiv, il-Bord ta’ Tmexxija għandu japprova lista ta’ riżerva stabbilita skont l-ordni tal-mertu u jaħtar il-11-il membru tal-Kumitat Xjentifiku, wara li jkun ikkonsulta lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew.

Skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 2 tar-Regolament, il-membri se jinħatru għal mandat ta’ ħames snin, li ma għandux ikun jista’ jiġġedded.

Jenħtieġ li l-kandidati potenzjali jkunu jafu li bħala konsegwenza tal-proċedura pubblika tas-sessjonijiet tal-Kumitat LIBE, il-Kumitat LIBE jista’ jagħmel l-ismijiet tal-kandidati kif ukoll is-CVs tagħhom disponibbli għall-pubbliku. Kandidati potenzjali għandhom id-dritt li joġġezzjonaw għall-pubblikazzjoni tad-data tagħhom billi jibagħtu email fuq selection-scientific-committee@fra.europa.eu.

6.   DIKJARAZZJONI TA’ IMPENN, INTERESS U KUNFIDENZJALITÀ

Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku jinħatru fuq bażi personali. Il-membri għandhom jieħdu l-impenn li jaġixxu b’mod indipendenti minn kwalunkwe influwenza esterna. Għal din ir-raġuni, se jintalbu jagħmlu dikjarazzjoni ta’ impenn u dikjarazzjoni ta’ interess (10).

Se tintalab issir dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità wkoll sabiex issir konformità mar-regoli dwar il-kunfidenzjalità meta tiġi ttrattata informazzjoni speċifikament identifikata mill-Aġenzija bħala “ristretta jew kunfidenzjali” (11).

7.   OPPORTUNITAJIET INDAQS

L-FRA tħeġġeġ lil kull persuna li tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibilità u li tkun interessata biex issir membru tal-Kumitat Xjentifiku tal-FRA biex tapplika.

L-FRA hija impjegatur ta’ opportunitajiet indaqs u tiżgura li l-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha ma jiddiskriminawx fuq l-ebda bażi bħal sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, sħubija f’minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabilità, età, identità tal-ġeneru jew orjentazzjoni sesswali. L-FRA hija impenjata tikseb bilanċ bejn il-ġeneri u għalhekk il-kandidati nisa huma partikolarment imħeġġa biex japplikaw.

8.   PROTEZZJONI TA’ DATA PERSONALI

Jekk jogħġbok kun af li l-FRA ma hijiex se tagħti lura l-applikazzjonijiet lill-kandidati.

L-informazzjoni personali li titlob l-FRA mill-applikanti se tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u għas-sigurtà ta’ din id-data.

Jekk il-kandidati jkollhom xi mistoqsija dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom għandhom jindirizzawha lil: selection-scientific-committee@fra.europa.eu

Għal aktar informazzjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, jekk jogħġbok ara d-Dikjarazzjoni ta’ Privatezza tal-FRA.

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista’ jiġi aċċessat fl-indirizz dpo@fra.europa.eu.

L-applikanti huma intitolati li jkollhom rikors fi kwalunkwe ħin għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (http://edps.europa.eu; EDPS@edps.europa.eu) jekk iqisu li d-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 ikunu nkisru b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom min-naħa tal-FRA.

9.   SKADENZA

Id-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet hija d-19 ta‘ Settembru 2022 fis-13:00 (Ħin lokali, GMT + 1).

Jekk jogħġbok innota li minħabba l-għadd kbir ta’ applikazzjonijiet li nirċievu, is-sistema jaf iġġarrab problemi fl-ipproċessar ta’ dawk l-ammonti ta’ data meta tkun riesqa d-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet. Għaldaqstant, nirrakkomandawlek tapplika ferm qabel id-data ta’ skadenza.


(1)  Ir-Regolament fundatur: ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal- 15 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1).

(2)  L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007.

(3)  Ara l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/555 tal-5 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 168/2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 108, 7.4.2022, p. 1).

(5)  L-Artikolu 19 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

(6)  Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (il-“Kumitat LIBE”).

(7)  L-Artikolu 24 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali; l-esperti mistiedna jattendu l-laqgħat.

(8)  NOTA: Il-lingwa ta’ ħidma għal-laqgħat u l-kontributi kollha – kemm għall-FRA kif ukoll għall-membri tal-Kumitat Xjentifiku – hija l-Ingliż. L-FRA tittraduċi biss il-verżjonijiet finali tal-kontributi tagħha f’lingwi oħrajn tal-UE, u għaldaqstant, il-kandidati huma mistennija li jkollhom standard ferm għoli tal-Ingliż (livell C1 skont il-QKERL) – smigħ, qari u kitba – peress li t-traduzzjoni u l-interpretazzjoni mhumiex possibbli fir-rigward tax-xogħol tal-Kumitat.

(9)  L-Artikolu 4(2) tar-regola ta’ proċedura tal-Aġenzija.

(10)  L-Artikolu 27(2) tar-Regoli ta’ Proċedura.

(11)  L-Artikolu 26(2) tar-Regoli ta’ Proċedura.

(12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).