ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 122

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 65
17 ta' Marzu 2022


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku

2022/C 122/01

Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tal-Ġermanja (BERS/2021/10)

1

2022/C 122/02

Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tal-Awstrija (BERS/2021/11)

9

2022/C 122/03

Twissija tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tal-Bulgarija (BERS/2021/12)

15

2022/C 122/04

Twissija tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tal-Kroazja (BERS/2021/13)

18

2022/C 122/05

Twissija Tal-Bord Ewropew Dwar Ir-Riskju Sistemiku tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tal-Liechtenstein (BERS/2021/14)

22

2022/C 122/06

Twissija tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tal-Ungerija (BERS/2021/15)

25

2022/C 122/07

Twissija tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tas-Slovakkja (BERS/2021/16)

28


 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 122/08

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.10447 — NN / METLIFE GREECE / METLIFE POLAND) ( 1 )

31

2022/C 122/09

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.10589 — ADT / FORD NEXT / SNTNL) ( 1 )

32


 

III   Atti preparatorji

 

IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

2022/C 122/10

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta’ Jannar 2022 dwar proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment fir-rigward tar-riżoluzzjoni (CON/2022/3)

33


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 122/11

Rata tal-kambju tal-euro — Is-16 ta’ Marzu 2022

35


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 122/12

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.10675 – CDPQ / TRANSURBAN / AUSTRALIANSUPER / CPP INVESTMENTS / ADIA / WCX) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

36

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 122/13

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, fi Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

38


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku

17.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tat-2 ta’ Diċembru 2021

dwar vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tal-Ġermanja

(BERS/2021/10)

(2022/C 122/01)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(b) u (d) u l-Artikoli 16 u 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

Billi:

(1)

Is-settur tal-proprjetà immobbli jiżvolġi rwol importanti fl-ekonomija u l-iżviluppi tiegħu jista’ jkollhom influwenza materjali fuq is-sistema finanzjarja. Kriżijiet finanzjarji fl-imgħoddi wrew li żviluppi mhux sostenibbli fis-swieq tal-proprjetà immobbli jista’ jkollhom riperkussjonijiet serji fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u tal-ekonomija fit-totalità tagħha, li jistgħu jwasslu wkoll għal riperkussjonijiet transkonfinali negattivi. Fil-passat, żviluppi avversi tas-suq tal-proprjetà immobbli f’xi Stati Membri, irriżultaw f’telf kbir ta’ kreditu u/jew kellhom impatt negattiv fuq l-ekonomija reali. Effetti bħal dawn jirriflettu r-relazzjoni mill-qrib bejn is-settur tal-proprjetà immobbli, il-fornituri tal-finanzjament u setturi ekonomiċi oħrajn. Barra minn hekk, iċ-ċirkwiti ta’ feedback bejn is-sistema finanzjarja u l-ekonomija reali jistgħu jsaħħu kwalunkwe żvilupp negattiv.

(2)

Dawn ir-rabtiet huma importanti għaliex ifissru li riskji li joriġinaw fis-settur tal-proprjetà immobbli jista’ jkollhom impatt sistemiku. Vulnerabbiltajiet fis-sistema finanzjarja għandhom tendenza li jakkumulaw matul il-fażi ’l fuq taċ-ċiklu tal-proprjetà immobbli. Il-perċezzjoni ta’ riskji aktar baxxi u l-aċċess aktar faċli għall-finanzjament jistgħu jikkontribwixxu għal espansjoni rapida tal-kreditu u l-investiment, flimkien ma’ domanda akbar għal proprjetà immobbli, biex b’hekk tiġi imposta pressjoni ‘l fuq fuq il-prezzijiet tal-proprjetà. Barra minn hekk, iċ-ċirkwiti ta’ feedback bejn il-prezzijiet tad-djar u l-kreditu jistgħu jirriżultaw f’konsegwenzi sistemiċi potenzjali. Min-naħa l-oħra, matul il-fażi ta’ tnaqqis taċ-ċiklu tal-proprjetà immobbli, kundizzjonijiet ta’ kreditu aktar stretti, averżjoni għar-riskju ogħla u pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet tal-proprjetà immobbli jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv ir-reżiljenza ta’ dawk li jissellfu u dawk li jsellfu, biex b’hekk jiddgħajfu l-kundizzjonijiet ekonomiċi.

(3)

Il-vulnerabbiltajiet relatati mal-proprjetà immobbli residenzjali (RRE) jistgħu jkunu sors ta’ riskju sistemiku u jistgħu jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja kemm direttament kif ukoll indirettament. Effetti diretti huma t-telf tal-kreditu fuq il-portafolji tas-self ipotekarju minħabba kundizzjonijiet ekonomiċi jew finanzjarji avversi u żviluppi negattivi simultanji fis-suq RRE. L-effetti indiretti jistgħu jkunu relatati ma’ aġġustamenti fil-konsum tal-unitajiet domestiċi jew diżingranaġġ minn dawk li jsellfu, li jwasslu għal konsegwenzi ulterjuri għall-ekonomija reali u għall-istabbiltà finanzjarja.

(4)

Kif innotat fil-premessa 4 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2013/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (3), l-għan aħħari tal-politika makroprudenzjali huwa li tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha, inkluż billi ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja u tnaqqas l-akkumulazzjoni ta’ riskji sistemiċi, biex b’hekk tiżgura kontribut sostenibbli tas-sistema finanzjarja għat-tkabbir ekonomiku.

(5)

Għal dan il-għan, l-awtoritajiet makroprudenzjali jistgħu jużaw waħda jew aktar mill-miżuri makroprudenzjali bbażati fuq il-kapital stabbiliti fid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u/jew miżuri makroprudenzjali bbażati fuq min jissellef, li huma bbażati esklużivament fuq il-liġi nazzjonali, skont il-valutazzjoni tar-riskji. Filwaqt li l-miżuri bbażati fuq il-kapital huma mmirati primarjament biex iżidu r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja, il-miżuri bbażati fuq min jissellef jistgħu jkunu partikolarment adattati għall-prevenzjoni tal-akkumulazzjoni ulterjuri ta’ riskji sistemiċi fir-rigward ta’ self ġdid għax-xiri ta’ dar.

(6)

Fl-2019, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) wettaq valutazzjoni sistematika u li tħares ’il quddiem madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kollha tal-vulnerabbiltajiet relatati mal-RRE (6). Din il-valutazzjoni ppermettiet lill-BERS jidentifika għadd ta’ vulnerabbiltajiet fuq żmien medju f’diversi pajjiżi bħala sorsi ta’ riskju sistemiku għall-istabbiltà finanzjarja, li wasslet għall-ħruġ ta’ twissijiet lil ħames pajjiżi, inkluż il-Ġermanja (7).

(7)

Fl-2019, il-vulnerabbiltajiet ewlenin identifikati fis-suq RRE fil-Ġermanja kienu s-sopravalutazzjoni sinifikanti tal-prezzijiet tad-djar fiż-żoni urbani, assoċjata ma’ dinamiċi mifruxa u mgħaġġla tal-prezzijiet tad-djar u xi indikazzjoni ta’ illaxkar tal-istandards ta’ self għas-self għax-xiri tad-djar, għalkemm fil-kuntest tal-inċertezza ġenerali minħabba lakuni sinifikanti fid-data.

(8)

Dan l-aħħar, il-BERS ikkonkluda valutazzjoni oħra sistematika u li tħares ’il quddiem mifruxa madwar iż-ŻEE tal-vulnerabbiltajiet relatati mal-RRE. Ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni juru li wara li rċevew twissijiet speċifiċi għall-pajjiż f’Settembru 2019, xi wħud mill-pajjiżi ħadu azzjoni ulterjuri biex jirrimedjaw il-vulnerabbiltajiet relatati. B’mod partikolari, ir-Repubblika Ċeka adottat qafas legali għal miżuri bbażati fuq min jissellef, il-Ġermanja stabbiliet bażi legali għall-ġbir ta’ data dwar standards ta’ self għal self ġdid għax-xiri ta’ djar lill-unitajiet domestiċi, Franza attivat limiti fuq il-proporzjonijiet bejn l-isservisjar tad-dejn u d-dħul (DSTI), l-Iżlanda ssikkat il-limiti fuq il-proporzjonijiet bejn is-self u l-valur (LTV), u n-Norveġja ssikkat ir-riżerva tar-riskju sistemiku tagħha. Madankollu, minħabba ż-żieda fil-vulnerabbiltajiet, l-azzjonijiet adottati minn xi wħud mill-pajjiżi ma tqisux suffiċjenti skont il-valutazzjoni tal-BERS.

(9)

It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fl-2020 u l-kriżi relatata ma wasslux għal tnaqqis ċikliku fis-swieq tad-djar. Minflok, wara perjodu ta’ tkabbir gradwali, u fost l-ambjent b’rata tal-imgħax baxxa, it-tkabbir fil-prezz reali tad-djar u tas-self kompla jaċċellera iktar f’diversi pajjiżi, u dan fil-biċċa l-kbira jisboq it-tkabbir fid-dħul tal-unitajiet domestiċi. Sabiex jittaffa l-impatt tal-pandemija u l-inċertezza ekonomika li tirriżulta, ġew implimentati diversi miżuri u politiki, bħal moratorji u garanziji pubbliċi. F’dan il-kuntest ta’ politika wiesa’, il-miżuri makroprudenzjali skedati preċedentement ġew illaxkati temporanjament jew l-attivazzjoni tagħhom ittardjat f’xi pajjiżi. It-titjib osservat bħalissa fis-sitwazzjoni ekonomika jippermetti aġġustament tal-politika makroprudenzjali f’dawk il-pajjiżi fejn il-vulnerabbiltajiet relatati mal-RRE komplew jikbru.

(10)

Fir-rigward tal-Ġermanja, din il-valutazzjoni reċenti żvelat li, minkejja l-istabbiliment ta’ qafas legali għal strumenti bbażati fuq min jissellef fl-2017, li jikkonsisti f’sett limitat ta’ miżuri (limitu massimu tal-proporzjon LTV u rekwiżit ta’ amortizzament), l-ebda wieħed minnhom ma ġie attivat sabiex tiġi indirizzata l-akkumulazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-RRE. Il-BERS jieħu nota tal-fatt li, skont il-qafas legali attwali, ir-rekwiżiti ma ġewx issodisfatti għall-attivazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq min jissellef eżistenti.

(11)

Il-valutazzjoni tal-BERS turi wkoll li ż-żidiet fil-prezzijiet tad-djar saru aktar mifruxa kemm fiż-żoni urbani kif ukoll f’dawk rurali. B’riżultat, l-istimi eżistenti jindikaw sopravalutazzjoni għolja u li qed tiżdied tal-prezzijiet tad-djar fil-Ġermanja. Analiżi komprensiva tal-vulnerabbiltajiet bħalissa hija mxekkla min-nuqqas ta’ data dettaljata dwar l-istandards tas-self għal self għax-xiri tad-djar, għalkemm ittieħdet azzjoni biex tinġabar data mill-2023 minħabba d-dħul fis-seħħ fl-2021 tar-regolament nazzjonali dwar il-ġbir tad-data rigward is-self għax-xiri tad-djar. Għall-perjodu reċenti, l-informazzjoni disponibbli tipprovdi evidenza mħallta dwar l-evoluzzjoni tal-istandards tas-self għas-self għax-xiri tad-djar. Filwaqt li r-riżultati tal-istħarriġ dwar is-self mill-banek taż-żona tal-euro (BLS) jissuġġerixxu li l-kundizzjonijiet ta’ kreditu għax-xiri ta’ djar saru aktar stretti matul l-2020, sors alternattiv ta’ data tas-settur privat (8) jindika li s-sehem tal-applikazzjonijiet għal self bi proporzjonijiet LTV għoljin kompla jiżdied fl-2020. Sors alternattiv ieħor ta’ data tas-settur privat disponibbli għall-awtoritajiet Ġermaniżi, li fih tranżazzjonijiet attwali u li jirrappreżenta parti mis-suq aggregat, jikkonferma li l-proporzjonijiet LTV żdiedu xi ftit matul l-aħħar għaxar snin. Barra minn hekk, b’mod konsistenti mal-BLS, il-proporzjonijiet LTV naqsu wara l-kriżi. Id-data tiżvela wkoll li l-proporzjonijiet u l-maturitajiet tad-DSTI naqsu fl-ewwel nofs tas-snin 2010 u reġgħu żdiedu fit-tieni nofs. Min-naħa l-oħra, il-proporzjonijiet tad-dejn mad-dħul (DTI) żdiedu b’mod stabbli mill-2009.

(12)

Barra minn hekk, wara li llaxkat ir-rata tar-riżerva ta’ kapital kontroċiklika (CCyB) tagħha b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19, il-Ġermanja ma għamlitx użu ulterjuri mill-miżuri bbażati fuq il-kapital biex tindirizza l-vulnerabbiltajiet eżistenti li jirriżultaw mis-settur tal-RRE u trawwem l-istabbiltà finanzjarja.

(13)

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi reċenti, b’mod partikolari minħabba l-evidenza ta’ sopravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar, il-BERS ikkonkluda li għandhom jiġu attivati miżuri bbażati fuq min jissellef biex jiġu mmirati l-vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-RRE fil-Ġermanja. Għalhekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom minnufih jattivaw limitu legalment vinkolanti jew, jekk dan ma jkunx possibbli skont il-liġi Ġermaniża, limitu mhux legalment vinkolanti fuq il-proporzjon LTV, biex jiżguraw standards ta’ self sodi kontra s-sopravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar. Fl-istess ħin, u biex jikkomplementaw il-miżura tal-proporzjon LTV, miżuri bbażati fuq il-kapital, bħall-attivazzjoni tas-CCyB jew ir-riżerva tar-riskju sistemiku settorjali (SSyRB), iżidu r-reżiljenza tas-settur bankarju fil-Ġermanja kontra l-vulnerabbiltajiet RRE li setgħu diġà akkumulaw, minħabba s-sopravalutazzjoni prevalenti tal-prezzijiet tad-djar u l-inċertezza dwar l-istandards ta’ self għal self ipotekarju pprovduti f’dawn l-aħħar snin. Barra minn hekk, kombinazzjoni xierqa ma’ strumenti legalment vinkolanti jew, jekk dan ma jkunx possibbli skont il-liġi Ġermaniża, strumenti relatati mad-dħul mhux legalment vinkolanti, tista’ żżid l-effettività tal-limitu fuq il-proporzjon LTV fl-indirizzar ta’ kwalunkwe vulnerabbiltà relatata mal-finanzjament tal-RRE. Għalhekk, il-qafas legali Ġermaniż għal miżuri bbażati fuq min jissellef għandu jiġi kkomplementat minn strumenti bbażati fuq id-dħul u adattat kif xieraq sabiex jippermetti l-attivazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq min jissellef b’mod aktar f’waqtu, u b’hekk tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

TAQSIMA 1

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Rakkomandazzjoni A — Limitu fuq il-proporzjon LTV

Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jimponu limitu legalment vinkolanti li japplika għall-proporzjon LTV sabiex itaffi l-vulnerabbiltajiet fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali fil-Ġermanja bħala sors ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja, li jista’ jkollu l-potenzjal għal konsegwenzi negattivi serji għall-ekonomija reali. Meta dan ma jkunx possibbli skont il-liġi Ġermaniża, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jattivaw limitu mhux legalment vinkolanti li japplika għall-proporzjon LTV biex jiġu indirizzati l-għanijiet stabbiliti fih.

Rakkomandazzjoni B - Attivazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq il-kapital

Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jattivaw miżuri xierqa bbażati fuq il-kapital, sabiex jiżguraw ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fil-Ġermanja u jikkomplementaw il-limitu li japplika għall-proporzjon LTV kif imsemmi fir-Rakkomandazzjoni A fil-mitigazzjoni tal-vulnerabbiltajiet fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali fil-Ġermanja bħala sors ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja.

Rakkomandazzjoni Ċ — Qafas legali għal miżuri bbażati fuq min jissellef fir-rigward tas-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali

Huwa rrakkommandat illi l-awtoritajiet rilevanti jiżguraw li l-qafas legali eżistenti għal miżuri bbażati fuq min jissellef jinkludi ta’ mill-inqas il-miżuri bbażati fuq min jissellef legalment vinkolanti li ġejjin:

(a)

limiti li japplikaw għall-proporzjon DTI jew limiti li japplikaw għall-proporzjon DSTI;

(b)

limiti li japplikaw għall-proporzjon LTV;

(c)

limiti li japplikaw għall-maturità; u

(d)

rekwiżiti ta’ amortizzazzjoni.

Rakkomandazzjoni D - Monitoraġġ tal-vulnerabbiltajiet u l-attivazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq min jissellef

1.

Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jimmonitorjaw mill-qrib il-vulnerabbiltajiet relatati mad-dejn tal-unitajiet domestiċi, is-sopravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar u l-istandards tas-self għal self ipotekarju ġdid fuq żmien medju.

2.

Huwa rrakkomandat li, skont ir-riżultati tal-monitoraġġ imwettaq skont is-subrakkomandazzjoni D(1) u sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni eċċessiva tar-riskju ta’ kreditu, l-awtoritajiet rilevanti jattivaw miżuri bbażati fuq min jissellef legalment vinkolanti relatati mad-dħul, bħal limiti fuq il-proporzjon DTI jew fuq il-proporzjon DSTI. Meta dan ma jkunx possibbli skont il-liġi Ġermaniża, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jattivaw miżuri bbażati fuq min jissellef mhux legalment vinkolanti relatati mad-dħul biex jindirizzaw l-għanijiet stabbiliti fiha.

TAQSIMA 2

IMPLIMENTAZZJONI

1.   Definizzjonijiet

1.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“awtoritajiet rilevanti” tfisser l-awtoritajiet fdati bl-emenda tal-qafas legali għal miżuri bbażati fuq min jissellef, l-attivazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq min jissellef, il-monitoraġġ ta’ riskji sistemiċi jew l-attivazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq il-kapital fil-Ġermanja;

(b)

“il-proporzjon bejn is-self u l-valur” (proporzjon LTV) tfisser is-somma tas-selfiet kollha jew partijiet ta’ self iggarantiti minn min jissellef fuq il-proprjetà immobbli fil-mument meta joriġina s-self b’rabta mal-valur tal-proprjetà fil-mument meta joriġina s-self;

(c)

“miżuri bbażati fuq il-kapital” tfisser kwalunkwe rekwiżit ta’ fondi proprji impost fuq istituzzjoni ta’ kreditu biex tipprevjeni u/jew timmitiga r-riskju sistemiku kif definit fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, inkluż, skont l-Artikoli 124, 164 jew 458 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew il-Kapitolu 4 tat-Titolu VII tad-Direttiva (UE) 2013/36, bħar-riżerva ta’ kapital kontroċiklika jew ir-riżerva settorjali għal riskju sistemiku;

(d)

“istituzzjoni ta’ kreditu” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(e)

“miżuri bbażati fuq min jissellef” tfisser miżuri makroprudenzjali li jimmiraw dawk li jissellfu, inklużi limiti fuq il-proporzjon LTV, il-proporzjon DTI, il-proporzjon DSTI, il-maturità, u r-rekwiżiti ta’ amortizzament;

(f)

‘il-proporzjon bejn id-dejn u d-dħul’ (proporzjon DTI) tfisser id-dejn totali ta’ min jissellef fil-mument meta joriġina s-self b’mod relattiv għad-dħul annwali totali disponibbli ta’ min jissellef fil-mument meta joriġina s-self;

(g)

‘il-proporzjon bejn l-isservisjar tad-dejn u d-dħul’ (proporzjon DSTI) tfisser l-isservisjar annwali totali tad-dejn b’rabta mad-dħul annwali totali disponibbli ta’ min jissellef fil-mument meta joriġina s-self;

(h)

“isservisjar tad-dejn” tfisser it-total tal-ħlas lura tal-imgħax u tal-kapital fuq id-dejn totali ta’ min jissellef fuq medda ta’ perijodu partikolari;

(i)

“maturità” tfisser it-tul ta’ żmien tal-kuntratt ta’ self għal proprjetà immobbli residenzjali espress fi snin fil-mument meta joriġina s-self;

(j)

“rekwiżiti ta” amortizzament’ tfisser miżuri relatati mal-iskeda ta’ ripagament tas-self.

2.   Kriterji għall-implimentazzjoni

1.

Il-kriterji li ġejjin japplikaw għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni:

(a)

għandha tingħata l-attenzjoni dovuta għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, filwaqt li jitqiesu l-għan u l-kontenut tar-Rakkomandazzjoni A, Rakkomandazzjoni B, Rakkomandazzjoni Ċ u Rakkomandazzjoni D;

(b)

meta jiġu attivati miżuri bbażati fuq min jissellef jew miżuri bbażati fuq il-kapital taħt ir-Rakkomandazzjoni A, ir-Rakkomandazzjoni B, u r-Rakkomandazzjoni D, il-kalibrazzjoni u l-introduzzjoni gradwali tagħhom għandhom iqisu l-pożizzjoni tal-Ġermanja fiċ-ċikli ekonomiċi u finanzjarji, u kwalunkwe implikazzjoni potenzjali fir-rigward tal-ispejjeż u l-benefiċċji assoċjati;

(c)

jiġu stipulati fl-Anness kriterji speċifiċi għall-konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

2.

Id-destinatarji huma mitluba jirrapportaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS dwar l-azzjonijiet meħuda b’risposta għal din ir-Rakkomandazzjoni, jew jiġġustifikaw b mod adegwat kull nuqqas ta’ azzjoni. Bħala minimu r-rapporti għandhom jinkludu:

(a)

informazzjoni dwar is-sustanza u skeda ta’ żmien tal-azzjonijiet meħuda;

(b)

valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet relatati mad-dejn ta’ unitajiet domestiċi u l-istandards tas-self għal self ipotekarju ġdid, inkluż id-distribuzzjoni ta’ self ipotekarju ġdid skont il-proporzjonijiet LTV, DTI u DSTI tagħhom, maturitajiet, u profil ta’ amortizzazzjoni bil-proporzjonijiet rilevanti jiġu kkalkulati skont l-Anness IV tar-Rakkomandazzjoni BERS/2016/14 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (9), flimkien mal-funzjonament tal-azzjonijiet imwettqa, wara li jitqiesu l-għanijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(c)

ġustifikazzjoni dettaljata ta’ kull nuqqas ta’ azzjoni jew devjazzjoni minn din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż kull dewmien.

3.   Skeda ta’ żmien għas-segwitu

Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, id-destinatarji jridu jikkomunikaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS l-azzjonijiet li jkunu ħadu b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni jew jissostanzjaw kull nuqqas ta’ azzjoni. Id-destinatarji huma mitluba jissottomettu tali komunikazzjoni f’konformità mal-iskedi ta’ żmien li ġejjin:

1.

Rakkomandazzjoni A

Sat-30 ta’ Ġunju 2023 u sat-30 ta’ Ġunju 2025, id-destinatarji tar-Rakkomandazzjoni A huma mitluba jippreżentaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS rapport dwar kwalunkwe azzjoni meħuda fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ limitu li japplika għall-proporzjon LTV sabiex jittaffew l-vulnerabbiltajiet fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali fil-Ġermanja bħala sors ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja. Fejn ikun hemm aktar minn awtorità waħda responsabbli għat-teħid ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati, għandu jiġi ppreżentat rapport konġunt wieħed.

2.

Rakkomandazzjoni B

Sat-30 ta’ Ġunju 2023 u sat-30 ta’ Ġunju 2025, id-destinatarji tar-Rakkomandazzjoni B huma mitluba jippreżentaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS rapport dwar kwalunkwe azzjoni meħuda fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq il-kapital. Fejn ikun hemm aktar minn awtorità waħda responsabbli għat-teħid ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati, għandu jiġi ppreżentat rapport konġunt wieħed.

3.

Rakkomandazzjoni Ċ

Sat-30 ta’ Ġunju 2025, id-destinatarji tar-Rakkomandazzjoni Ċ huma mitluba jippreżentaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS rapport finali dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni Ċ, inkluża dikjarazzjoni li tiċċara liema awtorità hija jew awtoritajiet huma responsabbli għad-deċiżjoni li jiġu attivati u implimentati l-miżuri bbażati fuq min jissellef stabbiliti f’dik ir-Rakkomandazzjoni. Fejn ikun hemm aktar minn awtorità waħda responsabbli għat-teħid ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati, għandu jiġi ppreżentat rapport konġunt wieħed.

4.

Rakkomandazzjoni D

Sat-30 ta’ Ġunju 2023 u sat-30 ta’ Ġunju 2025, id-destinatarji tar-Rakkomandazzjoni D huma mitluba jippreżentaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS rapport dwar il-monitoraġġ tal-vulnerabbiltajiet relatati mad-dejn tal-unitajiet domestiċi, is-sopravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar u l-istandards ta’ self għal self ipotekarju ġdid fuq żmien medju, u l-azzjonijiet meħuda biex jiġu indirizzati dawn il-vulnerabbiltajiet. Fejn ikun hemm aktar minn awtorità waħda responsabbli għat-teħid ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati, għandu jiġi ppreżentat rapport konġunt wieħed.

4.   Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.

Is-Segretarjat tal-BERS għandu:

(a)

jassisti lid-destinatarji, billi jiżgura l-koordinazzjoni tar-rapportar u l-forniment tal-mudelli relevanti, u jagħti dettalji fejn meħtieġ dwar il-proċedura u l-iskeda ta’ żmien għas-segwitu;

(b)

jivverifika s-segwitu mid-destinatarji, jipprovdi assistenza fuq talba tagħhom, u jissottimetti rapporti ta’ segwitu lil-Bord Ġenerali.

2.

Il-Bord Ġenerali għandu jivvaluta l-azzjonijiet u l-ġustifikazzjonijiet ikkomunikati mid-destinatarji u, fejn xieraq, jista’ jiddeċiedi li din ir-Rakkomandazzjoni ma ġietx segwita u li destinatarju naqas milli jipprovdi ġustifikazzjoni adegwata għan-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Diċembru 2021.

Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS,

F’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS

Francesco MAZZAFERRO


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1

(2)  ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

(3)  Rakkomandazzjoni BERS/2013/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-4 ta’ April 2013 dwar objettivi intermedji u strumenti tal-politika makroprudenzjali (ĠU C 170, 15.6.2013, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(5)  Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(6)  Ara “Vulnerabilities in the residential real estate sectors of EEA countries” (Vulnerabbiltajiet fis-setturi tal-proprjetà immobbli residenzjali fil-pajjiżi taż-ŻEE), BERS, Settembru 2019, disponibbli fuq is-sit web tal-BERS fuq www.esrb.europa.eu.

(7)  Twissija BERS/2019/11 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-27 ta’ Ġunju 2019 dwar vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali fil-Ġermanja (ĠU C 366, 30.10.2019, p. 45).

(8)  Informazzjoni pprovduta minn pjattaforma ta’ senserija tas-self li, madankollu, tista’ ma tkunx kompletament rappreżentattiva tas-suq ipotekarju Ġermaniż.

(9)  Rakkomandazzjoni BERS/2016/14 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-31 ta’ Ottubru 2016 dwar l-għeluq ta’ lakuni fid-dejta dwar il-proprjetà immobbli (ĠU C 31, 31.1.2017, p. 1).


ANNESS

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-KRITERJI TA’ KONFORMITÀ APPLIKABBLI GĦAR-RAKKOMANDAZZJONI

Rakkomandazzjoni A — Limitu fuq il-proporzjon LTV

Il-kriterji ta’ konformità li ġejjin huma applikabbli għar-Rakkomandazzjoni A.

1.

Meta jattivaw limitu li japplika għall-proporzjon bejn is-self u l-valur (LTV), id-destinatarji għandhom ifittxu li jipprevjenu sehem sinifikanti jew li qed jiżdied ta’ self ipotekarju ġdid garantit minn proprjetà immobbli residenzjali (RRE), li jista’ jirriżulta f’telf ta’ kreditu fil-każ ta’ inadempjenza tagħhom flimkien ma’ tnaqqis fil-prezzijiet tad-djar, wara kundizzjonijiet ekonomiċi jew finanzjarji negattivi, żieda fil-kost tas-servizzjar tad-dejn tagħhom jew żviluppi avversi fis-suq RRE.

2.

Id-destinatarji għandhom jużaw miżura waħda jew aktar ibbażati fuq min jissellef biex jiżguraw l-effettività tal-miżuri fis-seħħ u biex jimminimizzaw kwalunkwe potenzjal għaċ-ċirkomvenzjoni tagħhom jew għal konsegwenzi mhux intenzjonati li jistgħu jnaqqsu l-effettività tagħhom u possibbilment joħolqu riskji f’oqsma oħra, b’mod partikolari billi jiżguraw li l-miżuri jkunu applikabbli għal self mogħti mit-tipi kollha ta’ dawk li jsellfu, lil persuni fiżiċi bħala dawk li jissellfu u — sal-grad meqjus neċessarju — għat-tipi l-oħra kollha ta’ dawk li jissellfu.

3.

Qabel ma jattivaw limitu li japplika għall-proporzjon LTV, għandha ssir valutazzjoni tal-pożizzjoni tal-Ġermanja fiċ-ċikli ekonomiċi u finanzjarji, sabiex tiġi determinata kalibrazzjoni u introduzzjoni gradwali xierqa ta’ tali miżuri.

4.

Wara l-attivazzjoni ta’ limitu li japplika għall-proporzjon LTV, l-issikkar ulterjuri tiegħu jew l-attivazzjoni ta’ miżuri addizzjonali bbażati fuq min jissellef jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati fil-Ġermanja. Dan se jiddependi fuq l-għażla tal-miżuri attivati, fuq il-kalibrazzjoni inizjali ta’ dawk il-miżuri attivati u fuq ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet.

5.

Meta jattivaw jew jikkalibraw limitu li japplika għall-proporzjon LTV, id-destinatarji għandhom iqisu s-self kollu li fl-aħħar mill-aħħar għandu jiġi sservisjat mill-unitajiet domestiċi mid-dħul tagħhom, irrispettivament mill-forma tas-self.

Rakkomandazzjoni B - Attivazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq il-kapital

Il-kriterji ta’ konformità li ġejjin huma applikabbli għar-Rakkomandazzjoni B.

1.

Meta jattivaw miżuri bbażati fuq il-kapital, id-destinatarji għandhom ifittxu li jiżguraw ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fil-Ġermanja fid-dawl tal-materjalizzazzjoni potenzjali ta’ riskju sistemiku relatat mal-RRE li jista’ jwassal għal telf ta’ kreditu dirett u indirett li jirriżulta minn self ipotekarju jew li jirriżulta bħala konsegwenza tat-tnaqqis fil-konsum minn unitajiet domestiċi b’self għax-xiri ta’ djar.

2.

Qabel ma jiġu attivati miżuri bbażati fuq il-kapital, għandha ssir valutazzjoni tal-pożizzjoni tal-Ġermanja fiċ-ċikli ekonomiċi u finanzjarji sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attivazzjoni ta’ dawk il-miżuri tkunx xierqa.

3.

Wara l-attivazzjoni tal-miżuri bbażati fuq il-kapital, l-issikkar ulterjuri tagħhom jew l-attivazzjoni ta’ miżuri makroprudenzjali addizzjonali jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati fil-Ġermanja. Dan se jiddependi fuq l-għażla tal-miżuri bbażati fuq il-kapital attivati, fuq il-kalibrazzjoni inizjali ta’ dawk il-miżuri attivati u fuq ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet.

Rakkomandazzjoni Ċ — Qafas legali għal miżuri bbażati fuq min jissellef fir-rigward tas-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali

Il-kriterji ta’ konformità li ġejjin huma applikabbli għar-Rakkomandazzjoni Ċ.

1.

Il-qafas legali għal miżuri bbażati fuq min jissellef tal-Ġermanja għandu jiżgura li:

(a)

il-limiti li japplikaw għall-proporzjon tad-dejn mad-dħul (DTI) u għall-proporzjon bejn l-isservissjar tad-dejn u d-dħul (DSTI), kif ukoll il-limiti tal-maturità, huma applikabbli għas-self mogħti lit-tipi kollha ta’ dawk li jissellfu u minn kull tip ta’ dawk li jsellfu, sabiex tiġi evitata kwalunkwe ċirkomvenzjoni tal-limiti, fejn dawn il-limiti għandhom jiġu applikati primarjament għall-persuni fiżiċi bħala dawk li jissellfu, iżda wkoll għat-tipi l-oħra kollha ta’ dawk li jissellfu jekk l-istrutturi ta’ finanzjament jimplikaw tali estensjoni sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tal-limiti;

(b)

L-awtoritajiet Ġermaniżi fdati bl-attivazzjoni tal-miżuri bbażati fuq min jissellef jistgħu jattivaw il-miżuri kollha bbażati fuq min jissellef legalment vinkolanti b’mod effettiv u preventiv u għandhom il-flessibilità neċessarja sabiex ifasslu dawk il-miżuri bbażati fuq il-vulnerabbiltajiet identifikati.

2.

L-emendi għaIl-qafas legali għal miżuri bbażati fuq min jissellef tal-Ġermanja għandhom jkunu fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2024.

Rakkomandazzjoni D - Monitoraġġ tal-vulnerabbiltajiet u l-attivazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq min jissellef

Il-kriterji ta’ konformità li ġejjin huma applikabbli għas-subrakkomandazzjoni D(1).

Meta jimmonitorjaw il-vulnerabbiltajiet relatati mad-dejn tal-unitajiet domestiċi, is-sopravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar u l-istandards ta’self għal self ipotekarju ġdid fuq żmien medju, id-destinatarji għandhom jimmonitorjaw is-sehem ta’ dawk li jissellfu li jieħdu self ipotekarju ġdid li huma f’riskju li ma jkunux jistgħu jħallsu lura jew jisservisjaw id-dejn tagħhom b’mod regolari mingħajr ma jnaqqsu b’mod sinifikanti l-konsum tagħhom wara kundizzjonijiet ekonomiċi jew finanzjarji avversi, żieda fil-kost tal-isservisjar tad-dejn tagħhom jew żviluppi avversi fis-suq RRE.

Il-kriterji ta’ konformità li ġejjin huma applikabbli għas-subrakkomandazzjoni D(2).

1.

Meta jattivaw miżuri bbażati fuq min jissellef relatati mad-dħul, id-destinatarji għandhom ifittxu li jipprevjenu sehem sinifikanti jew li jiżdied ta’ dawk li jissellfu milli jieħdu self ipotekarju ġdid li huma f’riskju li ma jkunux jistgħu jħallsu lura jew jisservisjaw id-dejn tagħhom b’mod regolari mingħajr ma jnaqqsu b’mod sinifikanti l-konsum tagħhom wara kundizzjonijiet ekonomiċi jew finanzjarji negattivi, żieda fil-kost tal-isservisjar tad-dejn tagħhom jew żviluppi negattivi fis-suq RRE.

2.

Id-destinatarji għandhom jużaw miżura waħda jew aktar ibbażati fuq min jissellef biex jiżguraw l-effettività tal-miżuri fis-seħħ u biex jimminimizzaw kwalunkwe potenzjal għaċ-ċirkomvenzjoni tagħhom jew għal konsegwenzi mhux intenzjonati li jistgħu jnaqqsu l-effettività tagħhom u possibbilment joħolqu riskji f’oqsma oħra, b’mod partikolari billi jiżguraw li l-miżuri jkunu applikabbli għal self mogħti mit-tipi kollha ta’ dawk li jsellfu, lil persuni fiżiċi bħala dawk li jissellfu u — sal-grad meqjus neċessarju — għat-tipi l-oħra kollha ta’ dawk li jissellfu.

3.

Qabel ma jiġu attivati l-miżuri bbażati fuq min jissellef relatati mad-dħul, għandha ssir valutazzjoni tal-pożizzjoni tal-Ġermanja fiċ-ċikli ekonomiċi u finanzjarji, sabiex tiġi ddeterminata l-kalibrazzjoni u introduzzjoni gradwali xierqa ta’ tali miżuri.

4.

Wara l-attivazzjoni tal-miżuri bbażati fuq min jissellef relatati mad-dħul, jista’ jkun meħtieġ li jiġu ssikkati aktar jew li jiġu attivati miżuri addizzjonali bbażati fuq min jissellef biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati fil-Ġermanja. Dan jiddependi fuq l-għażla tal-miżuri attivati, fuq il-kalibrazzjoni inizjali ta’ dawk il-miżuri attivati u fuq ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet.

5.

Meta jattivaw jew jikkalibraw miżuri bbażati fuq min jissellef relatati mad-dħul, id-destinatarji għandhom iqisu s-self kollu li fl-aħħar mill-aħħar għandu jiġi sservisjat mill-unitajiet domestiċi mid-dħul tagħhom, irrispettivament mill-forma tas-self.


17.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/9


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tat-2 ta’ Diċembru 2021

dwar vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tal-Awstrija

(BERS/2021/11)

(2022/C 122/02)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(b) u (d) u l-Artikoli 16 u 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

Billi:

(1)

Is-settur tal-proprjetà immobbli jiżvolġi rwol importanti fl-ekonomija u l-iżviluppi tiegħu jista’ jkollhom influwenza materjali fuq is-sistema finanzjarja. Kriżijiet finanzjarji fl-imgħoddi wrew li żviluppi mhux sostenibbli fis-swieq tal-proprjetà immobbli jista’ jkollhom riperkussjonijiet serji fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u tal-ekonomija fit-totalità tagħha, li jistgħu jwasslu wkoll għal riperkussjonijiet transkonfinali negattivi. Fil-passat, żviluppi avversi tas-suq tal-proprjetà immobbli f’xi Stati Membri, irriżultaw f’telf kbir ta’ kreditu u/jew kellhom impatt negattiv fuq l-ekonomija reali. Effetti bħal dawn jirriflettu r-relazzjoni mill-qrib bejn is-settur tal-proprjetà immobbli, il-fornituri tal-finanzjament u setturi ekonomiċi oħrajn. Barra minn hekk, iċ-ċirkwiti ta’ feedback b’saħħithom bejn is-sistema finanzjarja u l-ekonomija reali jsaħħu kwalunkwe żvilupp negattiv.

(2)

Dawn ir-rabtiet huma importanti għaliex ifissru li riskji li joriġinaw fis-settur tal-proprjetà immobbli jista’ jkollhom impatt sistemiku li jkun ta’ natura proċiklika. Vulnerabbiltajiet fis-sistema finanzjarja għandhom tendenza li jakkumulaw matul il-fażi ’l fuq taċ-ċiklu tal-proprjetà immobbli. Il-perċezzjoni ta’ riskji aktar baxxi u l-aċċess aktar faċli għall-finanzjament jistgħu jikkontribwixxu għal espansjoni rapida tal-kreditu u l-investiment, flimkien ma’ domanda akbar għal proprjetà immobbli, biex b’hekk tiġi imposta pressjoni ‘l fuq fuq il-prezzijiet tal-proprjetà. Peress li l-valuri ogħla riżultanti tal-kollateral ikomplu jiffavorixxu aktar id-domanda għall-kreditu u l-forniment tiegħu, dawn id-dinamiċi li jsaħħu lilhom infushom jistgħu jirriżultaw fi konsegwenzi sistemiċi potenzjali. Min-naħa l-oħra, matul il-fażi ta’ tnaqqis taċ-ċiklu tal-proprjetà immobbli, kundizzjonijiet ta’ kreditu aktar stretti, averżjoni għar-riskju ogħla u pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet tal-proprjetà immobbli jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv ir-reżiljenza ta’ dawk li jissellfu u dawk li jsellfu, biex b’hekk jiddgħajfu l-kundizzjonijiet ekonomiċi.

(3)

Il-vulnerabbiltajiet relatati mal-proprjetà immobbli residenzjali (RRE) jistgħu jkunu sors ta’ riskju sistemiku u jistgħu jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja kemm direttament kif ukoll indirettament. Effetti diretti huma t-telf tal-kreditu fuq il-portafolji tas-self ipotekarju minħabba kundizzjonijiet ekonomiċi jew finanzjarji avversi u żviluppi negattivi simultanji fis-suq RRE. L-effetti indiretti jistgħu jkunu relatati ma’ aġġustamenti fil-konsum ta’ unitajiet domestiċi, li jwasslu għal konsegwenzi ulterjuri għall-ekonomija reali u għall-istabbiltà finanzjarja.

(4)

Kif innotat fil-premessa 4 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2013/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (3), l-għan aħħari tal-politika makroprudenzjali huwa li tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha, inkluż billi ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja u tnaqqas l-akkumulazzjoni ta’ riskji sistemiċi, biex b’hekk tiżgura kontribut sostenibbli tas-sistema finanzjarja għat-tkabbir ekonomiku.

(5)

Għal dan il-għan, l-awtoritajiet makroprudenzjali jistgħu jużaw waħda jew aktar mill-miżuri makroprudenzjali bbażati fuq il-kapital stabbiliti fid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u/jew miżuri makroprudenzjali bbażati fuq min jissellef, li huma bbażati esklużivament fuq il-liġi nazzjonali, skont il-valutazzjoni tar-riskji. Filwaqt li l-miżuri bbażati fuq il-kapital huma mmirati primarjament biex iżidu r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja, il-miżuri bbażati fuq min jissellef jistgħu jkunu partikolarment adattati għall-prevenzjoni tal-akkumulazzjoni ulterjuri ta’ riskji sistemiċi.

(6)

Fl-2016, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) wettaq valutazzjoni madwar l-Unjoni kollha tal-vulnerabbiltajiet fir-rigward tal-RRE (6). Din il-valutazzjoni ppermettiet lill-BERS jidentifika għadd ta’ vulnerabbiltajiet fuq żmien medju f’diversi pajjiżi bħala sorsi ta’ riskju sistemiku għall-istabbiltà finanzjarja, li wasslet għall-ħruġ ta’ twissijiet lil tmien pajjiżi, inkluż l-Awstrija (7).

(7)

Fl-2016, il-vulnerabbiltajiet ewlenin identifikati fis-suq tal-RRE fl-Awstrija kienu t-tkabbir robust fil-prezzijiet tal-RRE u l-kreditu ipotekarju u r-riskju ta’ aktar laxkar fl-istandards tas-self.

(8)

Mill-2018, l-awtoritajiet nazzjonali Awstrijaċi użaw għodod ta’ komunikazzjoni biex jiżguraw standards ta’ self prudenti, appoġġati minn attivitajiet superviżorji makroprudenzjali msaħħa. Fir-rapport ta’ segwitu tiegħu dwar il-pajjiżi li rċevew twissijiet fl-2016 dwar vulnerabbiltajiet fuq terminu medju fis-settur tal-RRE (8), il-BERS irrikonoxxa li l-miżuri introdotti mill-awtoritajiet nazzjonali Awstrijaċi jistgħu jindirizzaw b’mod effiċjenti l-vulnerabbiltajiet li fil-biċċa l-kbira qed jitfaċċaw. Madankollu, il-BERS innota wkoll li l-awtoritajiet nazzjonali Awstrijaċi ngħataw is-setgħat li jintroduċu miżuri bbażati fuq min jissellef legalment vinkolanti fl-2017 li jistgħu jiġu eżerċitati jekk il-vulnerabbiltajiet emerġenti jaċċelleraw.

(9)

Dan l-aħħar, il-BERS ikkonkluda valutazzjoni sistematika u li tħares ’il quddiem mifruxa madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea kollha tal-vulnerabbiltajiet relatati mal-RRE. F’dan il-kuntest, il-BERS identifika ċerti vulnerabbiltajiet fuq żmien medju bħala sorsi ta’ riskju sistemiku għall-istabbiltà finanzjarja li ma ġewx indirizzati biżżejjed.

(10)

It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fl-2020 u l-kriżi relatata ma wasslux għal tnaqqis ċikliku fis-swieq tad-djar. Minflok, wara perjodu ta’ tkabbir gradwali, u fost l-ambjent b’rata tal-imgħax baxxa, it-tkabbir fil-prezz reali tad-djar u tas-self komplew jaċċelleraw iktar f’diversi pajjiżi, u dan fil-biċċa l-kbira jisboq it-tkabbir fid-dħul tal-unitajiet domestiċi. Sabiex jittaffa l-impatt tal-pandemija u l-inċertezza ekonomika li tirriżulta, ġew implimentati diversi miżuri u politiki, bħal moratorji u garanziji pubbliċi. F’dan il-kuntest ta’ politika wiesa’, il-miżuri makroprudenzjali skedati preċedentement ġew illaxkati temporanjament jew l-attivazzjoni tagħhom ittardjat f’xi pajjiżi. It-titjib osservat bħalissa fis-sitwazzjoni ekonomika jippermetti aġġustament tal-politika makroprudenzjali f’dawk il-pajjiżi fejn il-vulnerabbiltajiet relatati mal-RRE komplew jikbru.

(11)

Fir-rigward tal-Awstrija, din il-valutazzjoni reċenti żvelat li wara perjodu ta’ tkabbir moderat, it-tkabbir reali fil-prezzijiet tad-djar aċċellera, u dan qabeż it-tkabbir fid-dħul reali disponibbli. Barra minn hekk, is-self lill-unitajiet domestiċi żdied b’mod kostanti. Il-valutazzjoni tal-BERS turi wkoll li minn Settembru 2019, it-tkabbir fil-prezzijiet reali tad-djar aċċellera fl-ewwel trimestru tal-2021, li qabeż it-tkabbir fid-dħul reali disponibbli matul l-istess perjodu. F’konformità ma’ dawn l-iżviluppi, skont l-istimi tal-Oesterreichische Nationalbank, is-sopravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar kompliet tiżdied fl-ewwel trimestru tal-2021. It-tkabbir reali tas-self lill-unitajiet domestiċi għax-xiri tad-djar ilu jikber b’mod kostanti mill-2019. Komunikazzjoni mill-Bord tal-Istabbiltà tas-Suq Finanzjarju tal-Awstrija f’Ġunju 2021 (9) indikat li l-istandards tas-self għal self ipotekarju f’termini tal-proporzjon bejn is-self u l-valur (LTV) u l-proporzjon bejn l-isservissjar tad-dejn u d-dħul (DSTI) dan l-aħħar komplew jiżdiedu meta mqabbla mal-medja ta’ ħames snin, u li s-sehem tas-self b’valuri elevati ta’ dawn il-proporzjonijiet kien sostanzjali.

(12)

It-taħlita ta’ politika attwali hija kkunsidrata biss parzjalment xierqa u parzjalment suffiċjenti biex tindirizza l-vulnerabbiltajiet li qed jiżdiedu. Barra minn hekk, l-Awstrija ma għamlitx użu ulterjuri mill-miżuri bbażati fuq il-kapital biex tindirizza l-vulnerabbiltajiet eżistenti u trawwem l-istabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, il-vulnerabbiltajiet identifikati fis-settur tal-RRE fl-Awstrija ma ġewx riflessi bis-sħiħ fil-piżijiet tar-riskju għas-self ipotekarju, kif użati mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li japplikaw l-approċċ ibbażat fuq il-klassifikazzjoni interna (IRB) għall-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali.

(13)

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi reċenti, il-BERS ikkonkluda li l-attivazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq min jissellef legalment vinkolanti iżżid l-effettività tal-miżuri li diġà huma fis-seħħ biex jiġu indirizzati b’mod xieraq il-vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-RRE fl-Awstrija. Kull meta jew kull fejn tali miżuri bbażati fuq min jissellef vinkolanti jiġu vvalutati bħala mhux effettivi biżżejjed biex jindirizzaw vulnerabbiltajiet fuq żmien medju, jenħtieġ li tiġi kkunsidrata l-implimentazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq il-kapital, bħal strumenti mmirati biex iżidu l-piżijiet tar-riskju IRB għall-iskoperturi RRE, ir-riżerva tar-riskju sistemiku settorjali jew ir-riżerva ta’ kapital kontroċiklika. Dawn il-miżuri jżidu r-reżiljenza tas-settur bankarju fl-Awstrija għal riskji li setgħu akkumulaw, bħal sopravalutazzjoni prevalenti tal-prezzijiet tad-djar u sa ċertu punt standards ta’ self laxki għal self ipotekarju pprovduti f’dawn l-aħħar snin,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

TAQSIMA 1

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Rakkomandazzjoni A - Attivazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq min jissellef legalment vinkolanti

Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jattivaw miżuri legalment vinkolanti bbażati fuq min jissellef sabiex itaffu l-vulnerabbiltajiet fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali fl-Awstrija bħala sors ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja.

Rakkomandazzjoni B - Attivazzjoni jew issikkar ta’ miżuri bbażati fuq il-kapital

Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jattivaw jew jissikkaw il-miżuri bbażati fuq il-kapital sabiex jiżguraw ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fl-Awstrija u jikkomplementaw il-miżuri bbażati fuq min jissellef fil-mitigazzjoni tal-vulnerabbiltajiet fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali fl-Awstrija bħala sors ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja kull meta jew kull fejn tali miżuri vinkolanti bbażati fuq min jissellef jiġu vvalutati bħala mhux effettivi biżżejjed biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet fuq żmien medju.

TAQSIMA 2

IMPLIMENTAZZJONI

1.   Definizzjonijiet

1.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“awtoritajiet rilevanti” tfisser l-awtoritajiet fdati bl-attivavazzjoni ta’ miżuri legalment vinkolanti bbażati fuq min jissellef jew miżuri bbażati fuq il-kapital fl-Awstrija;

(b)

“miżuri bbażati fuq min jissellef’ tfisser miżuri makroprudenzjali li jimmiraw min jissellef, inklużi limiti fuq il-proporzjon LTV, il-proporzjon bejn id-dejn u d-dħul (DTI), il-proporzjon DSTI, il-maturità, u r-rekwiżiti ta’ amortizzament;

(c)

‘il-proporzjon bejn is-self u l-valur” (proporzjon LTV) tfisser is-somma tas-selfiet kollha jew partijiet ta’ self iggarantiti minn dak li jissellef fuq proprjetà immobbli fil-mument ta’ oriġinazzjoni tas-self b’rabta mal-valur tal-proprjetà fil-mument ta’ oriġinazzjoni tas-self;

(d)

‘il-proporzjon bejn id-dejn u d-dħul’ (proporzjon DTI) tfisser id-dejn totali ta’ min jissellef fil-mument meta joriġina s-self b’mod relattiv għad-dħul annwali totali disponibbli ta’ min jissellef fil-mument meta joriġina s-self;

(e)

‘il-proporzjon bejn l-isservisjar tad-dejn u d-dħul’ (proporzjon DSTI) tfisser l-isservisjar annwali totali tad-dejn b’rabta mad-dħul annwali totali disponibbli ta’ min jissellef fil-mument meta joriġina s-self;

(f)

“isservisjar tad-dejn” tfisser it-total tal-ħlas lura tal-imgħax u tal-kapital fuq id-dejn totali ta’ min jissellef fuq medda ta’ perijodu partikolari;

(g)

“maturità” tfisser it-tul ta’ żmien tal-kuntratt ta’ self għal proprjetà immobbli residenzjali espress fi snin fil-mument meta joriġina s-self;

(h)

“rekwiżiti ta” amortizzament’ tfisser miżuri relatati mal-iskeda ta’ ripagament tas-self;

(i)

“miżuri bbażati fuq il-kapital” tfisser kwalunkwe rekwiżit ta’ fondi proprji impost fuq istituzzjoni ta’ kreditu biex tipprevjeni u/jew timmitiga r-riskju sistemiku kif definit fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, inkluż, skont l-Artikoli 124, 164 jew 458 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew il-Kapitolu 4 tat-Titolu VII tad-Direttiva (UE) 2013/36, bħar-riżerva ta’ kapital kontroċiklika jew ir-riżerva settorjali għal riskju sistemiku;

(j)

“istituzzjoni ta’ kreditu” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.   Kriterji għall-implimentazzjoni

1.

Il-kriterji li ġejjin japplikaw għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni:

(a)

għandha tingħata l-attenzjoni dovuta għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, filwaqt li jitqiesu l-għan u l-kontenut tar-Rakkomandazzjoni A, u tar-Rakkomandazzjoni B;

(b)

meta jiġu attivati miżuri legalment vinkolanti bbażati fuq min jissellef u/jew miżuri bbażati fuq il-kapital, il-kalibrazzjoni u l-introduzzjoni gradwali tagħhom għandhom iqisu l-pożizzjoni tal-Awstrija fiċ-ċikli ekonomiċi u finanzjarji, u kwalunkwe implikazzjoni potenzjali fir-rigward tal-ispejjeż u l-benefiċċji assoċjati;

(c)

jiġu stipulati fl-Anness kriterji speċifiċi għall-konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

2.

Id-destinatarji huma mitluba jirrapportaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS dwar l-azzjonijiet meħuda b’risposta għal din ir-Rakkomandazzjoni, jew jiġġustifikaw b mod adegwat kull nuqqas ta’ azzjoni. Bħala minimu r-rapporti għandhom jinkludu:

(a)

informazzjoni dwar is-sustanza u skeda ta’ żmien tal-azzjonijiet meħuda;

(b)

valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet relatati mad-dejn ta’ unitajiet domestiċi u l-istandards tas-self għal self ipotekarju ġdid, inkluż id-distribuzzjoni ta’ self ipotekarju ġdid skont il-proporzjonijiet LTV, DTI u DSTI tagħhom, maturitajiet, u profil ta’ amortizzazzjoni bil-proporzjonijiet rilevanti jiġu kkalkulati skont l-Anness IV tar-Rakkomandazzjoni BERS/2016/14 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (10), flimkien mal-funzjonament tal-azzjonijiet imwettqa, wara li jitqiesu l-għanijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(c)

ġustifikazzjoni dettaljata ta’ kull nuqqas ta’ azzjoni jew devjazzjoni minn din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż kull dewmien.

3.   Skeda ta’ żmien għas-segwitu

Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, id-destinatarji jridu jikkomunikaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS l-azzjonijiet li jkunu ħadu b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni jew jissostanzjaw kull nuqqas ta’ azzjoni. Id-destinatarji huma mitluba jissottomettu tali komunikazzjoni f’konformità mal-iskedi ta’ żmien li ġejjin:

1.

Rakkomandazzjoni A

(a)

Sat-30 ta’ Ġunju 2023 u sat-30 ta’ Ġunju 2025, id-destinatarji tar-Rakkomandazzjoni A huma mitluba jippreżentaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS rapport dwar kwalunkwe azzjoni meħuda fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq min jissellef legalment vinkolanti. Fejn ikun hemm aktar minn awtoritá waħda responsabbli għat-teħid ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati, għandu jiġi ppreżentat rapport konġunt wieħed.

2.

Rakkomandazzjoni B

Sat-30 ta’ Ġunju 2023 u sat-30 ta’ Ġunju 2025, id-destinatarji tar-Rakkomandazzjoni B huma mitluba jippreżentaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS rapport dwar kwalunkwe azzjoni meħuda fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq il-kapital. Fejn ikun hemm aktar minn awtorità waħda responsabbli għat-teħid ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati, għandu jiġi ppreżentat rapport konġunt wieħed.

4.   Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.

Is-Segretarjat tal-BERS għandu:

(a)

jassisti lid-destinatarji, billi jiżgura l-koordinazzjoni tar-rapportar u l-forniment tal-mudelli relevanti, u jagħti dettalji fejn meħtieġ dwar il-proċedura u l-iskeda ta’ żmien għas-segwitu;

(b)

jivverifika s-segwitu mid-destinatarji, jipprovdi assistenza fuq talba tagħhom, u jissottimetti rapporti ta’ segwitu lil-Bord Ġenerali.

2.

Il-Bord Ġenerali għandu jivvaluta l-azzjonijiet u l-ġustifikazzjonijiet ikkomunikati mid-destinatarji u, fejn xieraq, jista’ jiddeċiedi li din ir-Rakkomandazzjoni ma ġietx segwita u li destinatarju naqas milli jipprovdi ġustifikazzjoni adegwata għan-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Diċembru 2021.

Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS,

F’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS

Francesco MAZZAFERRO


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1

(2)  ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

(3)  Rakkomandazzjoni BERS/2013/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-4 ta’ April 2013 dwar objettivi intermedji u strumenti tal-politika makroprudenzjali (ĠU C 170, 15.6.2013, p. 1).

(4)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(5)  Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(6)  Ara “Vulnerabilities in the EU Residential Real Estate Sector” (Vulnerabbiltajiet fis-Settur tal-Proprjetà Immobbli Residenzjali tal-UE), BERS, Novembru 2016, disponibbli fuq is-sit web tal-BERS fuq www.esrb.europa.eu.

(7)  Twissija BERS/2016/05 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-22 ta’ Settembru 2016 dwar vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali fl-Awstrija (ĠU C 31, 31.1.2017, p. 43).

(8)  Ara r-Rapport ta’ segwitu dwar il-pajjiżi li rċevew twissijiet tal-BERS fl-2016 dwar vulnerabbiltajiet fuq terminu medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali, BERS, Settembru 2019, disponibbli fuq is-sit web tal-BERS fuq www.esrb.europa.eu.

(9)  Stqarrija għall-istampa dwar l-28 laqgħa tal-Bord għall-Istabbiltà tas-Suq Finanzjarju, disponibbli fuq is-sit web tal-FMSG fuq https://www.fmsg.at/en/publications/press-releases/2021/28th-meeting.html.

(10)  Rakkomandazzjoni BERS/2016/14 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-31 ta’ Ottubru 2016 dwar l-għeluq ta’ lakuni fid-dejta dwar il-proprjetà immobbli (ĠU C 31, 31.1.2017, p. 1).


ANNESS

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-KRITERJI TA’ KONFORMITÀ APPLIKABBLI GĦAR-RAKKOMANDAZZJONI

Rakkomandazzjoni A - Attivazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq min jissellef legalment vinkolanti

Il-kriterji ta’ konformità li ġejjin huma applikabbli għar-Rakkomandazzjoni A.

1.

Meta jiġu attivati miżuri bbażati fuq min jissellef legalment vinkolanti, id-destinatarji għandhom ifittxu li jipprevjenu sehem sinifikanti jew li jiżdied ta’:

(a)

self ipotekarju ġdid iggarantit minn proprjetà immobbli residenzjali (RRE), li jista’ jirriżulta f’telf ta’ kreditu fil-każ ta’ inadempjenza flimkien ma’ tnaqqis fil-prezzijiet tad-djar;

(b)

dawk li jissellfu milli jieħdu self ipotekarju ġdid li huma f’riskju sinifikanti li ma jkunux jistgħu jħallsu lura jew jisservisjaw id-dejn tagħhom b’mod regolari mingħajr ma jnaqqsu b’mod sinifikanti l-konsum tagħhom wara kundizzjonijiet ekonomiċi jew finanzjarji negattivi, żieda fil-kost tal-isservisjar tad-dejn tagħhom jew żviluppi negattivi fis-suq RRE.

2.

Id-destinatarji għandhom jużaw miżura waħda jew aktar ibbażati fuq min jissellef legalment vinkolanti biex jiżguraw l-effettività tal-miżuri fis-seħħ u biex jimminimizzaw kwalunkwe potenzjal għaċ-ċirkomvenzjoni tagħhom jew għal konsegwenzi mhux intenzjonati li jistgħu jnaqqsu l-effettività tagħhom u possibbilment joħolqu riskji f’oqsma oħra, b’mod partikolari billi jiżguraw li l-miżuri ibbażati fuq min jissellef legalment vinkolanti jkunu applikabbli għal self mogħti lit-tipi kollha ta’ dawk li jissellfu u minn kull tip ta’dawk li jsellfu.

3.

Qabel ma jiġu attivati miżuri bbażati fuq min jissellef legalment vinkolanti, għandha ssir valutazzjoni tal-pożizzjoni tal-Awstrija fiċ-ċikli ekonomiċi u finanzjarji, sabiex tiġi ddeterminata l-kalibrazzjoni u introduzzjoni gradwali xierqa ta’ tali miżuri.

4.

Qabel ma jiġu attivati miżuri bbażati fuq min jissellef legalment vinkolanti, u sabiex jiġu ddeterminati l-kalibrazzjoni u l-introduzzjoni gradwali xierqa ta’ tali miżuri, jenħtieġ li d-destinatarji jqisu l-għażla u l-kalibrazzjoni tal-miżuri bbażati fuq min jissellef attwalment fis-seħħ, u b’hekk tiġi żgurata effettività ogħla fil-mitigazzjoni tal-vulnerabbiltajiet identifikati fl-Awstrija.

5.

Wara l-attivazzjoni tal-miżuri bbażati fuq min jissellef legalment vinkolanti, l-issikkar ulterjuri tagħhom jew l-attivazzjoni ta’ miżuri makroprudenzjali addizzjonali jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati fl-Awstrija. Dan se jiddependi fuq l-għażla tal-miżuri bbażati fuq min jissellef attivati, fuq il-kalibrazzjoni inizjali ta’ dawk il-miżuri attivati u fuq ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet.

6.

Meta jattivaw jew jikkalibraw miżuri bbażati fuq min jissellef legalment vinkolanti, id-destinatarji għandhom iqisu s-self kollu li għandu jiġi sservisjat mill-unitajiet domestiċi mid-dħul tagħhom, irrispettivament mill-forma tas-self, jiġifieri s-self lil kumpaniji ta’ abitazzjoni jiġi ttrattat bħala dejn tal-unitajiet domestiċi .

Rakkomandazzjoni B - Attivazzjoni jew issikkar ta’ miżuri bbażati fuq il-kapital

Il-kriterji ta’ konformità li ġejjin huma applikabbli għar-Rakkomandazzjoni B.

1.

Meta jattivaw miżuri bbażati fuq il-kapital addizzjonali, jew l-issikkar ta’ miżuri eżistenti, id-destinatarji għandhom ifittxu li jiżguraw ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fl-Awstrija fid-dawl tal-materjalizzazzjoni potenzjali ta’ riskju sistemiku relatat mal-RRE li jista’ jwassal għal telf ta’ kreditu dirett u indirett li jirriżulta minn self ipotekarju jew li jirriżulta bħala konsegwenza tat-tnaqqis fil-konsum minn unitajiet domestiċi b’self għax-xiri ta’ djar.

2.

Qabel ma jiġu attivati miżuri addizzjonali, jew jiġu ssikkati miżuri eżistenti bbażati fuq il-kapital, jenħtieġ li ssir valutazzjoni tal-pożizzjoni tal-Awstrija fiċ-ċikli ekonomiċi u finanzjarji u s-suffiċjenza ta’ miżuri bbażati fuq min jissellef legalment vinkolanti, kif attivati f’konformità mar-Rakkomandazzjoni A, fl-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet fuq żmien medju sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunx xieraq li jiġu attivati jew issikkati miżuri bbażati fuq il-kapital.

3.

Wara l-attivazzjoni ta’ miżuri addizzjonali bbażati fuq il-kapital jew l-issikkar ta’ dawk eżistenti, jista’ jkun meħtieġ li jissikkaw aktar il-miżuri jew li jiġu attivati miżuri makroprudenzjali addizzjonali biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati fl-Awstrija. Dan se jiddependi fuq l-għażla tal-miżuri bbażati fuq il-kapital attivati, fuq il-kalibrazzjoni inizjali ta’ dawk il-miżuri attivati u fuq ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet.


17.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/15


TWISSIJA TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tat-2 ta’ Diċembru 2021

dwar vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tal-Bulgarija

(BERS/2021/12)

(2022/C 122/03)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(c) u l-Artikoli 16 u 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

Billi:

(1)

Is-settur tal-abitazzjoni huwa settur ewlieni tal-ekonomija reali u jirrappreżenta parti kbira mill-ġid domestiku u t-tislif bankarju. Il-proprjetajiet immobbli residenzjali (RRE) jikkostitwixxu komponent kbir tal-assi miżmuma minn unitajiet domestiċi u s-selfiet għall-abitazzjoni sikwit huma parti kbira mill-karti tal-bilanċ tal-banek. Barra minn hekk, il-bini ta’ abitazzjonijiet huwa tipikament komponent importanti tal-ekonomija reali, bħala sors ta’ impjiegi, investiment u tkabbir.

(2)

Kriżijiet finanzjarji fl-imgħoddi u l-esperjenza f’ħafna pajjiżi wrew li żvilupp mhux sostenibbli fis-swieq tal-proprjetà immobbli jista’ jkollu riperkussjonijiet serji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u tal-ekonomija fit-totalità tagħha f’kwalunkwe pajjiż partikolari, li jistgħu jwasslu wkoll għal riperkussjonijiet transkonfinali negattivi. L-effetti fuq l-istabbiltà finanzjarja jistgħu jkunu kemm diretti kif ukoll indiretti. L-effetti diretti jikkonsistu fit-telf ta’ kreditu minn portafolji tas-self ipotekarju minħabba kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji avversi u żviluppi negattivi simultanji fis-suq RRE. L-effetti indiretti huma relatati ma’ aġġustamenti fil-konsum ta’ unitajiet domestiċi, b’konsegwenzi ulterjuri għall-ekonomija reali u għall-istabbiltà finanzjarja.

(3)

Is-swieq tal-proprjetà immobbli huma suxxettibbli għal żviluppi ċikliċi. It-teħid ta’ riskji eċċessivi, ingranaġġ eċċessiv u inċentivi allinjati ħażin matul it-titjib taċ-ċiklu tal-proprjetà immobbli jistgħu jwasslu għal implikazzjonijiet negattivi severi kemm għall-istabbiltà finanzjarja kif ukoll għall-ekonomija reali. Minħabba r-rilevanza tal-RRE għall-istabbiltà finanzjarja u makroekonomika, l-użu tal-politika makroprudenzjali bil-għan li tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet fis-swieq RRE huwa partikolarment importanti, minbarra l-użu tagħha bħala mezz biex jittaffa r-riskju sistemiku.

(4)

Filwaqt li l-fatturi ċikliċi għandhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-vulnerabbiltajiet identifikati fis-swieq RRE fil-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), fatturi strutturali kkawżaw ukoll dawn il-vulnerabbiltajiet. Dawn il-fatturi strutturali jistgħu jinkludu nuqqas ta’ provvista ta’ abitazzjoni, li għamlet pressjoni dejjem akbar fuq il-prezzijiet tad-djar u d-dejn għall-unitajiet domestiċi li jixtru l-proprjetà tagħhom stess, u politiki pubbliċi oħrajn li jistgħu jservu ta’ inċentiv għall-unitajiet domestiċi biex jissellfu żżejjed. Minħabba li dawn il-fatturi jmorru lil hinn mill-politika makroprudenzjali, il-miżuri li joriġinaw minn oqsma ta’ politika oħrajn jistgħu jikkumplimentaw u jappoġġaw il-miżuri makroprudenzjali attwali biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet preżenti fis-swieq RRE f’ pajjiżi individwali b’mod effiċjenti u effettiv, mingħajr ma jiġu ġġenerati spejjeż eċċessivi għall-ekonomija reali u għas-sistema finanzjarja.

(5)

It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fl-2020 u l-kriżi relatata ma wasslux għal tnaqqis ċikliku fis-swieq tad-djar. Minflok, wara perjodu ta’ tkabbir gradwali, u fost l-ambjent b’rata tal-imgħax baxxa, it-tkabbir fil-prezz reali tad-djar u tas-self kompla jaċċellera iktar f’diversi pajjiżi, u dan fil-biċċa l-kbira jisboq it-tkabbir fid-dħul tal-unitajiet domestiċi. Sabiex jittaffa l-impatt tal-pandemija u l-inċertezza ekonomika li tirriżulta, ġew implimentati diversi miżuri u politiki, bħal moratorji u garanziji pubbliċi. F’dan il-kuntest ta’ politika wiesa’, il-miżuri makroprudenzjali skedati preċedentement ġew illaxkati temporanjament jew l-attivazzjoni tagħhom ittardjat f’xi pajjiżi. It-titjib osservat bħalissa fis-sitwazzjoni ekonomika jippermetti aġġustament tal-politika makroprudenzjali f’dawk il-pajjiżi fejn il-vulnerabbiltajiet relatati mal-RRE komplew jikbru.

(6)

Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) recentement ikkonkluda valutazzjoni sistematika u li tħares ’il quddiem madwar iż-ŻEE kollha tal-vulnerabbiltajiet relatati mal-RRE.

(7)

Fir-rigward tal-Bulgarija, din il-valutazzjoni reċenti żvelat li:

a.

Il-prezzijiet reali tad-djar żdiedu b’mod moderat matul l-aħħar sentejn fil-Bulgarija, u żdiedu b’medja ta’ madwar 3.5 % sena wara sena sa nofs l-2020. Minn dak iż-żmien ’l hawn, it-tkabbir reali fil-prezzijiet tad-djar aċċellera għal madwar 7 % minn nofs l-2021, li jirrifletti wkoll l-effetti bażi minn tkabbir aktar baxx fil-prezzijiet tad-djar fl-ewwel nofs tal-2020. Stimi prodotti mill-Bank Nazzjonali tal-Bulgarija juru li l-prezzijiet tad-djar kienu kemxejn sopravalutati fi tmiem l-2020.

b.

Fl-istess ħin, it-tkabbir annwali fis-self tal-unitajiet domestiċi għax-xiri tad-djar aċċellera b’mod sinifikanti matul l-aħħar snin fil-Bulgarija, u laħaq 13 % f’Awwissu 2021 f’termini reali.

c.

Skont l-Awtorità Bankarja Ewropea, il-livell ta’ self improduttiv fis-settur RRE fil-Bulgarija kien ta’ 5.3 % fit-tieni trimestru tal-2021 (3). Fl-istess ħin, il-proporzjon għoli ta’ kopertura ta’ dan is-self (48.1 % meta mqabbel ma’ 25.7 % għall-Unjoni kollha kemm hi) huwa fattur mitiganti importanti.

d.

F’dan l-isfond, id-dejn tal-unitajiet domestiċi fil-Bulgarija kien relattivament baxx iżda żdied xi ftit matul il-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, is-sehem tas-sidien tad-djar b’ipoteka huwa baxx ħafna. B’riżultat ta’ dan, l-istokk tas-self ipotekarju jinsab f’livell relattivament baxx fil-Bulgarija, li jirrappreżenta 27 % tal-PDG b’kollox (jiġifieri inkluż self korporattiv kollateralizzat minn proprjetà immobbli kummerċjali) meta mqabbel ma’ 52 % għall-Unjoni kollha fl-2020. Madankollu, il-biċċa l-kbira tas-self huwa b’rati varjabbli, u dan jagħmel lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli għal bidliet sinifikanti fir-rata tal-imgħax.

e.

Fl-istess ħin, il-banek li joperaw fil-Bulgarija għandhom livell relattivament għoli ta’ fondi proprji, bil-proporzjon tal-kapital tal-Grad 1 jilħaq l-24 % f’Diċembru 2020. Għalhekk, jekk il-vulnerabbiltajiet relatati mas-suq RRE jkomplu jikbru, il-kapaċità għolja ta’ assorbiment tas-settur bankarju tkun fattur mitiganti għar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja li jistgħu jkunu qed jakkumulaw. Speċifiċità oħra tas-settur bankarju hija l-użu predominanti tal-Approċċ Standardizzat għall-iskoperturi tar-riskju tal-kreditu, li jtaffi r-riskji potenzjali relatati mal-RRE. Is-sehem tal-assi ppeżati għar-riskju bħala proporzjon tal-assi totali jibqa’ ogħla minn 50 %. Għaldaqstant, il-piż tar-riskju effettiv tal-banek li jużaw l-Approċċ Standardizzat għas-self RRE lill-unitajiet domestiċi huwa ta’ 48 %, filwaqt li l-piż tar-riskju effettiv tal-banek li jużaw klassifikazzjonijiet interni huwa ta’ 25 %.

f.

Meta mqabbla mal-pajjiżi tal-Unjoni b’mod ġenerali, għalkemm is-sehem tas-self ipotekarju fil-portafolli tal-banek huwa limitat u l-livell tad-dejn tal-unitajiet domestiċi bħalissa huwa baxx, il-kundizzjonijiet favorevoli għall-finanzjament ipotekarju jistgħu joħolqu riskju, fuq perjodu ta’ żmien medju, tal-iżvilupp ta’ spirall bejn il-prezzijiet tad-djar u l-kreditu ipotekarju. Minn naħa waħda, iż-żieda fil-prezzijiet tad-djar tfisser li l-valur tal-kollateral għas-self fuq proprjetà immobbli jiżdied, u b’hekk jippermetti ingranaġġ ogħla min-naħa ta’ min jissellef. Min-naħa l-oħra, it-tkabbir fil-prezzijiet tad-djar normalment ikun akkumpanjat minn żviluppi makroekonomiċi pożittivi, li jistgħu jwasslu għal-laxkar tal-istandards tas-self li jikkonformaw magħhom il-fornituri tal-kreditu. Fl-istess ħin, provvista dejjem tikber ta’ self fuq proprjetà immobbli tista’ tirrappreżenta pressjoni addizzjonali ‘l fuq fuq il-prezzijiet tad-djar. Fuq perjodu ta’ żmien medju, tali spirall jista’ jwassal għal bużżieqa tal-prezzijiet tad-djar xprunata mill-kreditu u unitajiet domestiċi b’dejn eċċessiv.

g.

Il-BERS jirrikonoxxi diversi miżuri li huma fis-seħħ fil-Bulgarija li jtaffu l-vulnerabbiltajiet attwali tal-RRE. B’mod partikolari, ir-rata ta’ riżerva ta’ kapital kontroċiklika pożittiva (CCyB) hija għodda xierqa li permezz tagħha jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet relatati mat-tkabbir rapidu tal-kreditu, li kien mifrux fis-setturi kollha, u tiżdied ir-reżiljenza tas-settur bankarju. F’Settembru 2021 ġie deċiż li s-CCyB jiżdied minn 0.5 % għal 1 % b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2022. Il-BERS jinnota wkoll li qafas legali għal miżuri bbażati fuq min jissellef ġie stabbilit fil-Bulgarija fl-2019, u li, skont l-Artikolu 124 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ġie applikat limitu minimu tal-piż tar-riskju għal self ipotekarju bi proporzjonijiet relattivament ogħla bejn is-self u l-valur għall-banek li jsegwu l-Approċċ Standardizzat. Piż ta’ 35 % huwa assenjat għal parti tal-iskopertura garantita b’ipoteki fuq proprjetà residenzjali li ma taqbiżx is-70 % tal-valur tal-kollateral.

h.

Minn perspettiva li tħares ’il quddiem u b’kont meħud tal-prospettiva tar-riskju fuq żmien medju, it-taħlita ta’ politika makroprudenzjali attwali hija kkunsidrata parzjalment xierqa u parzjalment suffiċjenti. Minbarra l-miżuri bbażati fuq il-kapital attwalment applikati, l-introduzzjoni ta’ miżuri bbażati fuq min jissellef tkun xierqa sabiex taġixxi b’mod preventiv kontra l-akkumulazzjoni potenzjali ta’ spirall bejn il-prezzijiet tad-djar u l-kreditu ipotekarju.

(8)

Meta jiġu attivati kwalunkwe miżuri biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati, il-kalibrazzjoni u l-introduzzjoni gradwali tagħhom għandhom iqisu l-pożizzjoni tal-Bulgarija fiċ-ċikli ekonomiċi u finanzjarji, u kwalunkwe implikazzjoni potenzjali fir-rigward tal-ispejjeż u l-benefiċċji assoċjati,

ADOTTA DIN IT-TWISSIJA;

Il-BERS identifika vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tal-Bulgarija bħala sors ta’ riskju sistemiku għall-istabbiltà finanzjarja, li jista’ jkollhom il-potenzjal tà konsegwenzi negattivi serji għall-ekonomija reali. Minn perspettiva makroprudenzjali, il-BERS iqis il-vulnerabbiltajiet ewlenin bħala t-tkabbir għoli fil-kreditu ipotekarju, is-sinjali ta’ sopravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar u n-nuqqas ta’ miżuri bbażati fuq min jissellef li jistgħu jimmitigaw l-akkumulazzjoni ta’ riskji relatati mas-settur RRE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Diċembru 2021.

Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS,

F’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS

Francesco MAZZAFERRO


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(2)  ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

(3)  European Banking Authority Risk Dashboard, disponibbli hawn: https://www.eba.europa.eu/risk-analysis-and-data/risk-dashboard

(4)  Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).


17.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/18


TWISSIJA TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tat-2 ta’ Diċembru 2021

dwar vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tal-Kroazja

(BERS/2021/13)

(2022/C 122/04)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(c) u l-Artikoli 16 u 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

Billi:

(1)

Is-settur tal-abitazzjoni huwa settur ewlieni tal-ekonomija reali u jirrappreżenta parti kbira mill-ġid domestiku u t-tislif bankarju. Il-proprjetajiet immobbli residenzjali (RRE) jikkostitwixxu komponent kbir tal-assi miżmuma minn unitajiet domestiċi u s-selfiet għall-abitazzjoni sikwit huma parti kbira mill-karti tal-bilanċ tal-banek. Barra minn hekk, il-bini ta’ abitazzjonijiet huwa tipikament komponent importanti tal-ekonomija reali, bħala sors ta’ impjiegi, investiment u tkabbir.

(2)

Kriżijiet finanzjarji fl-imgħoddi u l-esperjenza f’ħafna pajjiżi wrew li żvilupp mhux sostenibbli fis-swieq tal-proprjetà immobbli jista’ jkollu riperkussjonijiet serji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u tal-ekonomija fit-totalità tagħha f’kwalunkwe pajjiż partikolari, li jistgħu jwasslu wkoll għal riperkussjonijiet transkonfinali negattivi. L-effetti fuq l-istabbiltà finanzjarja jistgħu jkunu kemm diretti kif ukoll indiretti. L-effetti diretti jikkonsistu fit-telf ta’ kreditu minn portafolji tas-self ipotekarju minħabba kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji avversi u żviluppi negattivi simultanji fis-suq RRE. L-effetti indiretti huma relatati ma’ aġġustamenti fil-konsum domestiku, b’konsegwenzi ulterjuri għall-ekonomija reali u għall-istabbiltà finanzjarja.

(3)

Is-swieq tal-proprjetà immobbli huma suxxettibbli għal żviluppi ċikliċi. It-teħid ta’ riskji eċċessivi, ingranaġġ eċċessiv u inċentivi allinjati ħażin matul it-titjib taċ-ċiklu tal-proprjetà immobbli jistgħu jwasslu għal implikazzjonijiet negattivi serji kemm għall-istabbiltà finanzjarja kif ukoll għall-ekonomija reali. Minħabba r-rilevanza tal-RRE għall-istabbiltà finanzjarja u makroekonomika, l-użu tal-politika makroprudenzjali bil-għan li tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet fis-swieq RRE huwa partikolarment importanti, minbarra l-użu tagħha bħala mezz biex jittaffa r-riskju sistemiku.

(4)

Filwaqt li l-fatturi ċikliċi għandhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-vulnerabbiltajiet identifikati fis-swieq RRE fil-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), fatturi strutturali kkawżaw ukoll dawn il-vulnerabbiltajiet. Dawn il-fatturi strutturali jistgħu jinkludu nuqqas ta’ provvista ta’ abitazzjoni, li għamlet pressjoni dejjem akbar fuq il-prezzijiet tad-djar u d-dejn għall-unitajiet domestiċi li jixtru l-proprjetà tagħhom stess, u politiki pubbliċi oħrajn li jistgħu jservu ta’ inċentiv għall-unitajiet domestiċi biex jissellfu żżejjed. Minħabba li dawn il-fatturi jmorru lil hinn mill-politika makroprudenzjali, il-miżuri li joriġinaw minn oqsma ta’ politika oħrajn jistgħu jikkumplimentaw u jappoġġaw il-miżuri makroprudenzjali attwali biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet preżenti fis-swieq RRE f’ pajjiżi individwali b’mod effiċjenti u effettiv, mingħajr ma jiġu ġġenerati spejjeż eċċessivi għall-ekonomija reali u għas-sistema finanzjarja.

(5)

It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fl-2020 u l-kriżi relatata ma wasslux għal tnaqqis ċikliku fis-swieq tad-djar. Minflok, wara perjodu ta’ tkabbir gradwali, u fost l-ambjent b’rata tal-imgħax baxxa, it-tkabbir fil-prezz reali tad-djar u tas-self kompla jaċċellera iktar f’diversi pajjiżi, u dan fil-biċċa l-kbira jisboq it-tkabbir fid-dħul tal-unitajiet domestiċi. Sabiex jittaffa l-impatt tal-pandemija u l-inċertezza ekonomika li tirriżulta, ġew implimentati diversi miżuri u politiki, bħal moratorji u garanziji pubbliċi. F’dan il-kuntest ta’ politika wiesa’, il-miżuri makroprudenzjali skedati preċedentement ġew illaxkati temporanjament jew l-attivazzjoni tagħhom ittardjat f’xi pajjiżi. It-titjib osservat bħalissa fis-sitwazzjoni ekonomika jippermetti aġġustament tal-politika makroprudenzjali f’dawk il-pajjiżi fejn il-vulnerabbiltajiet relatati mal-RRE komplew jikbru.

(6)

Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) recentement ikkonkluda valutazzjoni sistematika u li tħares ’il quddiem madwar iż-ŻEE kollha tal-vulnerabbiltajiet relatati mal-RRE.

(7)

Fir-rigward tal-Kroazja, din il-valutazzjoni reċenti żvelat li:

a.

Wara perjodu mtawwal ta’ korrezzjoni u tkabbir imrażżan, it-tkabbir fil-prezzijiet reali tad-djar aċċellera għal 8 % sena wara sena fil-bidu tal-2019. Minn mindu faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, id-dinamika tal-prezzijiet tad-djar baqgħet robusta. Skont l-istimi ta’ Hrvatska narodna banka, il-prezzijiet tad-djar qed jitbiegħdu dejjem aktar mill-prinċipji fundamentali fit-tul tagħhom.

b.

Għadd ta’ fatturi kemm min-naħa tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-provvista jistgħu jaffettwaw l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tad-djar fi gradi differenti madwar ir-reġjuni Kroati. L-ewwel nett, f’xi reġjuni, parti sinifikanti mid-domanda għall-akkomodazzjoni saret minn xerrejja barranin (madwar 10 % b’kollox skont Hrvatska narodna banka). Filwaqt li l-attività kumplessiva tat-tranżazzjoni kienet aktar baxxa wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, is-sehem tax-xerrejja barranin baqa’ fil-livelli ta’ qabel il-kriżi skont Hrvatska narodna banka. It-tieni, il-Kroazja sofriet żewġ terremoti fl-2020, li t-tnejn li huma laqtu r-reġjun ta’ Żagreb u għamlu ħsara lill-abitazzjonijiet. Dawn l-avvenimenti żvelaw xi nuqqasijiet fl-istandards tal-kwalità tad-djar li nbnew qabel is-snin 1960, jiġifieri qabel ma ddaħħlu standards antisismiċi fil-Kroazja. B’riżultat ta’ dan, il-livell relattivament aktar baxx ta’ likwidità ta’ wħud minn dawn l-abitazzjonijiet jista’ jnaqqas l-istokk ta’ djar li jridu jiġu nnegozjati, u dan potenzjalment iwassal għal livell ġenerali ogħla tal-prezz tad-djar. Fl-istess ħin, ir-riparazzjoni gradwali tal-abitazzjonijiet danneġġati, li l-ispiża tagħhom kienet stmata għal 23 % tal-prodott domestiku gross (PDG) fl-2020, tista’ tgħolli l-prezzijiet tad-djar permezz ta’ attività ta’ kostruzzjoni ogħla u l-impatt pożittiv tagħha fuq l-ekonomija. Fl-aħħar nett, fl-2020, il-Gvern tal-Kroazja estenda l-iskema ta’ sussidju għall-akkomodazzjoni, li ilha fis-seħħ mill-aħħar tal-2017 u tipprovdi rati ta’ sussidju ogħla f’reġjuni inqas żviluppati, lil dawk li jixtru għall-ewwel darba.

c.

Għalkemm madwar nofs it-tranżazzjonijiet tad-djar biss huma ffinanzjati permezz ta’ kreditu bankarju skont Hrvatska narodna banka, it-tkabbir reali tal-kreditu ipotekarju aċċellera fit-tieni nofs tal-2019 u speċjalment matul l-2020. Din kienet medja ta’ madwar 7.5 % bejn Jannar u Awwissu 2021. Sa ċertu punt, din id-dinamika kienet xprunata mill-iskema tal-gvern ta’ sussidju għall-akkomodazzjoni, bis-sehem ta’ self issussidjat jiżdied minn 18 % fl-2019 għal 35 % fl-2020.

d.

Il-ġbir ġdid ta’ data dwar l-istandards tas-self ipotekarju, imwettaq minn Hrvatska narodna banka, jissuġġerixxi li sehem sostanzjali ta’ self ġdid kellu proporzjon bejn is-self u l-valur (LTV) ogħla minn 90 % fl-ewwel nofs tal-2021. Ħafna minn dan is-self kien self issussidjat mill-gvern, li l-proporzjonijiet tal-LTV tiegħu tipikament kienu jvarjaw bejn 90 % u 100 %. Madwar 10 % tas-self ġdid kellu LTV ta’ aktar minn 100 %. Madwar kwart tas-self ġdid ingħata wkoll bi proporzjon bejn is-servizz tad-dejn u d-dħul (LSTI) ta’ aktar minn 40 %. Barra minn hekk, xi wħud minn dawn is-selfiet ġodda kellhom ukoll LTV ta’ aktar minn 90 %. Minbarra dan, fl-ewwel nofs tal-2021, fil-każ ta’ xi self ġdid, il-maturità qabżet it-30 sena.

e.

F’dan l-isfond, meta mqabbla mal-banek li joperaw fil-bqija tal-Unjoni, il-banek li joperaw fil-Kroazja għandhom livelli relattivament għoljin ta’ fondi proprji. Il-proporzjon medju tal-kapital tal-Grad 1 laħaq il-25 % f’Diċembru 2020. Il-ponderazzjonijiet medji tar-riskju għal self ipotekarju skont l-approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni (IRB) għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji, ammontaw għal 38 % f’Ġunju 2021. Is-sehem ta’ dan is-self kien jirrappreżenta madwar 12 % tas-suq fil-Kroazja. Il-maġġoranza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jsegwu l-Approċċ Standardizzat, u, biex jassenjaw piżijiet tar-riskju preferenzjali għall-iskoperturi RRE kif awtorizzat mir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), iridu jissodisfaw il-kriterji aktar stretti stabbiliti fl-Artikolu 124 ta’ dak ir-Regolament. F’Ġunju 2021, il-piżijiet medji tar-riskju għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Approċċ Standardizzat ammontaw għal 42 %.

f.

Fl-istess ħin, id-dejn tal-unitajiet domestiċi fil-Kroazja huwa relattivament baxx meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni. Matul l-2020, is-self tal-unitajiet domestiċi żdied f’termini reali, iżda b’rati aktar baxxi mis-self għad-djar. Dan kien ir-riżultat ta’ tnaqqis fil-fiduċja ġenerali tal-konsumatur, li naqqas id-dħul ta’ kreditu ġenerali għall-konsumatur, filwaqt li l-iskemi ta’ sussidju tal-gvern għal self ipotekarju żammew id-domanda għal self immobiljari ogħla. Fattur ieħor li jixpruna jista’ jkun it-tnaqqis fir-rati tal-imgħax fuq is-self lill-unitajiet domestiċi. Skont l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), fit-tieni nofs tal-2020, ġiet osservata żieda żgħira fil-proporzjon ta’ self improduttiv għal self tal-unitajiet domestiċi u self ipotekarju b’mod partikolari. Fl-ewwel trimestru tal-2021, il-proporzjon tas-self improduttiv baqa’ ma nbidilx għas-self tal-unitajiet domestiċi b’mod ġenerali (fil-livell ta’ 5.9 %) u naqas bi ftit għas-self ipotekarju (għal 3.6 %).

g.

Meta mqabbla ma’ Stati Membri oħra, filwaqt li s-sehem tas-self ipotekarju fil-portafolli tal-banek fil-Kroazja huwa limitat, id-dejn tal-unitajiet domestiċi huwa relattivament baxx, il-livell ta’ kapitalizzazzjoni tas-settur bankarju huwa relattivament għoli u parti sinifikanti tad-domanda għall-akkomodazzjoni mhijiex iffinanzjata minn self bankarju, kundizzjonijiet favorevoli u possibbilment standards rilassati ta’ self għas-self ipotekarju jistgħu joħolqu riskju ta’ spiral, li jista’ jevolvi bejn il-prezzijiet tad-djar u l-kreditu ipotekarju fuq żmien medju. Minn naħa waħda, minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tad-djar, il-valur tal-kollateral għas-self immobiljari kien qed jiżdied, u b’hekk min jissellef seta’ jieħu ingranaġġ ogħla. Min-naħa l-oħra, it-tkabbir fil-prezzijiet tad-djar normalment ikun akkumpanjat minn żviluppi makroekonomiċi pożittivi, li min-naħa tagħhom jistgħu jwasslu għal laxkar tal-istandards tas-self mill-fornituri tal-kreditu minħabba ottimiżmu ġenerali fis-suq. Fl-istess ħin, il-provvista dejjem tikber ta’ self fuq proprjetà immobbli tista’ teżerċita pressjoni addizzjonali ‘l fuq fuq il-prezzijiet tad-djar. Mill-perspettiva taż-żmien medju, tali spiral jista’ jwassal għal bużżieqa tal-prezzijiet tad-djar xprunata mill-kreditu minkejja l-fatt li parti sinifikanti tad-domanda għall-akkomodazzjoni bħalissa hija ffinanzjata minn sorsi oħra minbarra l-kreditu bankarju domestiku. B’mod partikolari, id-dinamika tal-kreditu tista’ tkompli tiġi xprunata minn sussidji ta’ kreditu ipotekarju promossi mill-Gvern tal-Kroazja.

h.

Il-BERS jirrikonoxxi li fil-Kroazja hemm fis-seħħ diversi miżuri li jtaffu l-vulnerabbiltajiet RRE attwali, b’mod partikolari, il-miżura prevista fl-Artikolu 124 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif ukoll miżuri oħra bbażati fuq il-kapital (eż. ir-riżerva għal riskju sistemiku) jikkontribwixxu għall-kapitalizzazzjoni relattivament għolja tas-settur bankarju meta mqabbla ma’ Stati Membri oħra. Dan jipprovdi protezzjoni kontra l-materjalizzazzjoni potenzjali tar-riskji RRE. Il-limitu tas-servizz indirett tad-dejn għall-introjtu (DSTI), li ġie introdott f’konformità mal-Linji Gwida tal-ABE dwar il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja u l-Linji Gwida tal-ABE dwar l-arretrati u l-preklużjoni, iservi wkoll bħala garanzija ta’ kontinġenza kontra l-piż tas-servizz tad-dejn eċċessiv ta’ min jissellef sa ċertu punt. Il-BERS jirrikonoxxi wkoll li l-qafas legali għall-miżuri bbażati fuq min jissellef stabbilit fl-2020 kabbar b’mod sinifikanti l-għodod tal-politika makroprudenzjali fil-Kroazja, u li l-ġbir dettaljat tad-data dwar l-istandards tas-self, li ġie introdott fi tmiem l-2020, jippermetti monitoraġġ effettiv tar-riskji li jirriżultaw mis-suq RRE.

i.

Minn perspettiva li tħares ’il quddiem u b’kont meħud tal-prospettiva tar-riskju fuq żmien medju, it-taħlita ta’ politika makroprudenzjali attwali hija kkunsidrata parzjalment xierqa u parzjalment suffiċjenti. Minn perspettiva li tħares’ il quddiem, minkejja l-kapitalizzazzjoni relattivament għolja tas-settur bankarju, l-introduzzjoni ta’ miżuri espliċiti bbażati fuq min jissellef bħala azzjoni preventiva kontra t-tkabbir potenzjali ta’ spiral bejn il-prezzijiet tad-djar u l-kreditu li tista’ tiġi xprunata minn standards ta’ self inqas stretti u sussidji ta’ kreditu ipotekarju tal-gvern tista’ tikkomplementa l-miżuri makroprudenzjali attwali relatati mas-self ipotekarju. Fl-istess ħin, il-politiki makroprudenzjali jistgħu jiġu kkomplementati minn azzjoni ta’ politika usa’ biex jiġu indirizzati fatturi li jiffaċilitaw jew jippromwovu ż-żieda fid-dejn tal-unitajiet domestiċi, jiġifieri s-sussidji ta’ kreditu ipotekarju tal-gvern, sabiex jiġu appoġġati l-miżuri makroprudenzjali attwali biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet li fadal identifikati fis-suq RRE tal-Kroazja b’mod effiċjenti u effettiv, mingħajr ma jiġu prodotti spejjeż eċċessivi għall-ekonomija reali u s-sistema finanzjarja tal-Kroazja.

(8)

Meta jiġu attivati kwalunkwe miżuri biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati, il-kalibrazzjoni u l-introduzzjoni gradwali tagħhom għandhom iqisu l-pożizzjoni tal-Kroazja fiċ-ċikli ekonomiċi u finanzjarji, u kwalunkwe implikazzjoni potenzjali fir-rigward tal-ispejjeż u l-benefiċċji assoċjati,

ADOTTA DIN IT-TWISSIJA;

Il-BERS identifika vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tal-Kroazja bħala sors ta’ riskju sistemiku għall-istabbiltà finanzjarja, li jista’ jkollhom il-potenzjal ta’ konsegwenzi negattivi serji għall-ekonomija reali. Minn perspettiva makroprudenzjali, il-BERS iqis il-vulnerabbiltajiet ewlenin bħala t-tkabbir mgħaġġel fil-kreditu lill-unitajiet domestiċi, u s-sinjali possibbli ta’ sopravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar minħabba n-nuqqas ta’ miżuri espliċiti bbażati fuq min jissellef li jistgħu jimmitigaw l-akkumulazzjoni ta’ riskji relatati mas-settur RRE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Diċembru 2021.

Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS,

F’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS

Francesco MAZZAFERRO


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(2)  ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

(3)  Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).


17.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/22


TWISSIJA TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tat-2 ta’ Diċembru 2021

dwar vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tal-Liechtenstein

(BERS/2021/14)

(2022/C 122/05)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Anness IX tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(c) u l-Artikoli 16 u 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

Billi:

(1)

Is-settur tal-abitazzjoni huwa settur ewlieni tal-ekonomija reali u jirrappreżenta parti kbira mill-ġid domestiku u t-tislif bankarju. Il-proprjetajiet immobbli residenzjali (RRE) jikkostitwixxu komponent kbir tal-assi miżmuma minn unitajiet domestiċi u s-selfiet għall-abitazzjoni sikwit huma parti kbira mill-karti tal-bilanċ tal-banek. Barra minn hekk, il-bini ta’ abitazzjonijiet huwa tipikament komponent importanti tal-ekonomija reali, bħala sors ta’ impjiegi, investiment u tkabbir.

(2)

Kriżijiet finanzjarji fl-imgħoddi u l-esperjenza f’ħafna pajjiżi wrew li żviluppi mhux sostenibbli fis-swieq tal-proprjetà immobbli jista’ jkollhom riperkussjonijiet serji fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u tal-ekonomija fit-totalità tagħha f’kwalunkwe pajjiż partikolari, li jistgħu jwasslu wkoll għal riperkussjonijiet transkonfinali negattivi. L-effetti fuq l-istabbiltà finanzjarja jistgħu jkunu kemm diretti kif ukoll indiretti. L-effetti diretti jikkonsistu fit-telf ta’ kreditu minn portafolji tas-self ipotekarju minħabba kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji avversi u żviluppi negattivi simultanji fis-suq RRE. L-effetti indiretti huma relatati ma’ aġġustamenti fil-konsum domestiku, b’konsegwenzi ulterjuri għall-ekonomija reali u għall-istabbiltà finanzjarja.

(3)

Is-swieq tal-proprjetà immobbli huma suxxettibbli għal żviluppi ċikliċi. It-teħid ta’ riskji eċċessivi, ingranaġġ eċċessiv u inċentivi allinjati ħażin matul it-titjib taċ-ċiklu tal-proprjetà immobbli jistgħu jwasslu għal implikazzjonijiet negattivi serji kemm għall-istabbiltà finanzjarja kif ukoll għall-ekonomija reali. Minħabba r-rilevanza tal-RRE għall-istabbiltà finanzjarja u makroekonomika, l-użu tal-politika makroprudenzjali bil-għan li tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet fis-swieq RRE huwa partikolarment importanti, minbarra l-użu tagħha bħala mezz biex jittaffa r-riskju sistemiku.

(4)

Filwaqt li l-fatturi ċikliċi għandhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-vulnerabbiltajiet identifikati fis-swieq RRE fil-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), fatturi strutturali kkawżaw ukoll dawn il-vulnerabbiltajiet. Dawn il-fatturi strutturali jistgħu jinkludu nuqqas ta’ provvista ta’ abitazzjoni, li għamlet pressjoni dejjem akbar fuq il-prezzijiet tad-djar u d-dejn għall-unitajiet domestiċi li jixtru l-proprjetà tagħhom stess, u politiki pubbliċi oħrajn li jistgħu jservu ta’ inċentiv għall-unitajiet domestiċi biex jissellfu żżejjed. Minħabba li dawn il-fatturi jmorru lil hinn mill-politika makroprudenzjali, il-miżuri li joriġinaw minn oqsma ta’ politika oħrajn jistgħu jikkumplimentaw u jappoġġaw il-miżuri makroprudenzjali attwali biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet preżenti fis-swieq RRE f’pajjiżi individwali b’mod effiċjenti u effettiv, mingħajr ma jiġu ġġenerati spejjeż eċċessivi għall-ekonomija reali u għas-sistema finanzjarja.

(5)

It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fl-2020 u l-kriżi relatata ma wasslux għal tnaqqis ċikliku fis-swieq tad-djar. Minflok, wara perjodu ta’ tkabbir gradwali, u fost l-ambjent b’rata tal-imgħax baxxa, it-tkabbir fil-prezz reali tad-djar u tas-self kompla jaċċellera iktar f’diversi pajjiżi, u dan fil-biċċa l-kbira jisboq it-tkabbir fid-dħul tal-unitajiet domestiċi. Sabiex jittaffa l-impatt tal-pandemija u l-inċertezza ekonomika li tirriżulta, ġew implimentati diversi miżuri u politiki, bħal moratorji u garanziji pubbliċi. F’dan il-kuntest ta’ politika wiesa’, il-miżuri makroprudenzjali skedati preċedentement ġew illaxkati temporanjament jew l-attivazzjoni tagħhom ittardjat f’xi pajjiżi. It-titjib osservat bħalissa fis-sitwazzjoni ekonomika jippermetti aġġustament tal-politika makroprudenzjali f’dawk il-pajjiżi fejn il-vulnerabbiltajiet relatati mal-RRE komplew jikbru.

(6)

Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) recentement ikkonkluda valutazzjoni sistematika u li tħares ’il quddiem madwar iż-ŻEE kollha tal-vulnerabbiltajiet relatati mal-RRE.

(7)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din il-valutazzjoni reċenti żvelat li:

a.

Id-dejn tal-unitajiet domestiċi fil-Liechtenstein kien ekwivalenti għal 226 % (4) u 120 % tal-introjtu disponibbli u l-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament fl-2020 skont l-istimi tal-Awtorità tas-Suq Finanzjarju (FMA), li jikklassifikaw lil-Liechtenstein fost il-pajjiżi bl-ogħla dejn tal-unitajiet domestiċi fiż-ŻEE. Barra minn hekk, id-dejn tal-unitajiet domestiċi dan l-aħħar kien qed jieħu xejra ‘l fuq. Minbarra l-ispejjeż favorevoli tal-finanzjament tad-dejn, il-perċezzjoni ta’ inċentivi tat-taxxa setgħet ikkontribwixxiet għall-akkumulazzjoni tad-dejn tal-unitajiet domestiċi (5). Analiżi mwettqa mill-FMA turi li d-dejn mhuwiex imqassam b’mod uniformi fost l-unitajiet domestiċi, b’ 14 % tal-unitajiet domestiċi jirrapportaw dejn bejn CHF 500 000 u CHF 1 miljun, u 9 % tal-unitajiet domestiċi jirrapportaw dejn li jaqbeż is-CHF 1 miljun, skont l-istatistika tat-taxxa. Barra minn hekk, is-sehem tal-unitajiet domestiċi bi proporzjon tad-dejn mad-dħul (DTI) ogħla minn ħamsa huwa relattivament għoli, li jissuġġerixxi li d-dejn għoli tal-unitajiet domestiċi mhux dejjem ikun akkumpanjat minn introjtu akbar tal-unitajiet domestiċi. Fuq nota aktar pożittiva, is-sehem għoli ta’ ipoteki b’rata tal-imgħax fissa huwa mitigant importanti għar-riskji relatati mad-dejn tal-unitajiet domestiċi.

b.

Id-dinamika tas-suq tad-djar baqgħet moderata f’dawn l-aħħar snin. Minħabba r-restrizzjonijiet legali fuq ix-xiri ta’ proprjetà immobbli (6), l-attività ta’ tranżazzjoni hija tipikament baxxa fil-Liechtenstein. L-ebda indiċi tal-prezzijiet ma jiġi ppubblikat mill-awtoritajiet pubbliċi. Madankollu, skont l-FMA, id-data tal-prezzijiet mill-valutazzjonijiet tal-esperti tindika biss żidiet moderati fil-prezzijiet kemm tal-art kif ukoll tal-appartamenti. Bl-istess mod, l-attività tal-bini u l-attività ta’ tranżazzjoni wkoll baqgħu relattivament stabbli f’dawn l-aħħar snin.

c.

Skont l-FMA, it-tkabbir ipotekarju (inklużi RRE u self ieħor fuq proprjetà immobbli ta’ banek domestiċi fiż-żona tal-munita tal-frank Żvizzeru) dan l-aħħar kien fuq xejra ta’ tnaqqis u nominalment kien ta’ 0.7 % fl-2019 (tnaqqis minn 8.8 % fl-2010), b’żieda żgħira għal 2.5 % fl-2020. It-tkabbir annwali fis-self RRE domestiku kien saħansitra aktar dgħajjef, li ammonta għal 1.1 % fl-2020.

d.

Skont l-FMA, ittieħed approċċ relattivament prudenti għall-għoti ta’ self ipotekarju f’termini ta’ proporzjonijiet bejn is-self u l-valur (LTV), b’sehem negliġibbli biss tal-ipoteki eżistenti u dawk ġodda li għandhom proporzjon LTV ogħla minn 80 % fl-2019 u l-2020. Il-banek huma meħtieġa wkoll li jirrapportaw is-self bħala “eċċezzjonijiet għall-politika” kull meta jannullaw il-linji gwida interni tagħhom fir-rigward tal-affordabbiltà ipotekarja. Fil-prattika, il-banek jivverifikaw jekk żieda fir-rata tal-imgħax għal 4.5 % jew 5 % tkunx timplika piż tas-servizz tad-dejn li jaqbeż terz tad-dħul tal-unitajiet domestiċi. Fid-dawl tal-ambjent attwali ta’ rata tal-imgħax baxxa u l-istorja ta’ rati tal-imgħax baxxi fiż-żona tal-munita tal-frank Żvizzeru, il-piż tal-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti huwa pjuttost sever. Madankollu, madwar 23 % tas-self RRE totali fil-Liechtenstein kien jagħmel parti minn din il-kategorija ta’ “eċċezzjonijiet għall-politika” sa tmiem l-2020.

e.

Il-volum totali ta’ self RRE domestiku ammonta għal madwar 85 % tal-PDG fl-2020, li huwa wieħed mill-ogħla proporzjonijiet fiż-ŻEE. Madankollu, id-daqs tas-settur bankarju tal-Liechtenstein jikkorrispondi għal madwar 15-il darba l-PDG tal-pajjiż, li jfisser li filwaqt li s-self ipotekarju huwa sors ta’ dħul għal xi banek tal-Liechtenstein, is-self domestiku mhuwiex ta’ importanza kbira għall-profittabbiltà u s-solvenza tal-banek li joperaw fil-Liechtenstein peress li jiffoka prinċipalment fuq is-servizzi bankarji privati. Fl-istess ħin, is-settur bankarju tal-Liechtenstein huwa kapitalizzat tajjeb, bil-proporzjon tal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni (CET1) ikun ta’ 22.3 % f’Ġunju 2021. Barra minn hekk, is-settur bankarju tal-Liechtenstein huwa kkaratterizzat minn indikaturi ta’ likwidità b’saħħithom ħafna, bi proporzjon baxx ħafna bejn is-self u d-depożitu ta’ 65 % li jimplika riskju baxx ta’ finanzjament.

f.

Minħabba l-proporzjonijiet konservattivi tal-LTV tas-self ipotekarju domestiku, is-sehem limitat tagħhom fil-portafolli tal-banek, u l-kapitalizzazzjoni għolja tas-settur bankarju, ir-riskji diretti għall-istabbiltà finanzjarja li jirriżultaw mis-settur RRE bħalissa huma limitati fil-Liechtenstein. Madankollu, filwaqt li s-suq tax-xogħol fil-Liechtenstein wera li huwa reżiljenti matul żminijiet ta’ reċessjoni matul l-aħħar deċennji, u l-ġid tal-unitajiet domestiċi għadu relattivament għoli, il-livell diġà għoli u li qed jiżdied tad-dejn tal-unitajiet domestiċi xorta waħda jagħmel is-settur tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli għal xokkijiet makroekonomiċi mhux mistennija. Jekk il-livell tal-qgħad jiżdied u/jew l-introjtu tal-unitajiet domestiċi jonqos, xi unitajiet domestiċi jistgħu jsibuha aktar diffiċli biex jisservisjaw id-djun tagħhom milli jagħmlu bħalissa. L-effetti negattivi assoċjati fuq id-dħul u l-ġid tal-unitajiet domestiċi jistgħu jsaħħu x-xokkijiet makroekonomiċi inizjali jekk l-unitajiet domestiċi jkunu meħtieġa jnaqqsu l-konsum sabiex jisservisjaw id-dejn tagħhom. Dan jista’ jwassal għal effetti indiretti u għal żieda fir-riskji għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għas-sistema finanzjarja (7).

g.

Il-BERS jirrikonoxxi li hemm fis-seħħ diversi miżuri mmirati lejn il-mitigazzjoni tal-vulnerabbiltajiet RRE attwali fil-Liechtenstein, inkluż, b’mod partikolari, il-limitu LTV ta’ 80 %, ir-rekwiżit li jiġu amortizzati l-ipoteki għal proporzjon LTV massimu ta’ 66 % fl-ewwel 20 snin ta’ ħlas lura tas-self, u piżijiet tar-riskju miżjuda fuq ipoteki għall-banek li japplikaw l-Approċċ Standardizzat għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji (8). Fl-istess ħin, l-FMA qed timplimenta r-Rakkomandazzjoni BERS/2016/14 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (9). Id-data l-ġdida, li se tkun disponibbli fit-tieni nofs tal-2022, hija mistennija li tkompli ttejjeb l-analiżi tal-vulnerabbiltajiet tal-RRE fil-Liechtenstein.

h.

Minn perspettiva li tħares ’il quddiem u b’kont meħud tal-prospettiva tar-riskju fuq żmien medju, it-taħlita ta’ politika makroprudenzjali attwali hija kkunsidrata parzjalment xierqa u parzjalment suffiċjenti. Minħabba l-livell diġà għoli u li qed jiżdied tad-dejn tal-unitajiet domestiċi, u s-sehem konsiderevoli tal-unitajiet domestiċi li huma vulnerabbli għal xokkijiet negattivi mhux mistennija, il-limitu eżistenti għall-proporzjonijiet LTV għandu jiġi kkomplementat minn miżuri bbażati fuq min jissellef relatati mad-dħul biex tiġi evitata akkumulazzjoni ulterjuri ta’ vulnerabbiltajiet RRE. Għal dan il-għan, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li tinħoloq bażi legali għal strumenti bbażati fuq min jissellef, u b’hekk tingħata biżżejjed flessibbiltà lill-awtoritajiet nazzjonali biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet tal-RRE fil-Liechtenstein.

(8)

Meta jiġu attivati kwalunkwe miżuri biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati, il-kalibrazzjoni u l-introduzzjoni gradwali tagħhom għandhom iqisu l-pożizzjoni tal-Liechtenstein fiċ-ċikli ekonomiċi u finanzjarji, u kwalunkwe implikazzjoni potenzjali fir-rigward tal-ispejjeż u l-benefiċċji assoċjati,

ADOTTA DIN IT-TWISSIJA:

Il-BERS identifika vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tal-Liechtenstein bħala sors ta’ riskju sistemiku għall-istabbiltà finanzjarja, li jista’ jkollhom il-potenzjal tà konsegwenzi negattivi serji għall-ekonomija reali. Minn perspettiva makroprudenzjali, il-BERS iqis il-vulnerabbiltajiet ewlenin bħala d-dejn għoli u li dejjem jiżdied tal-unitajiet domestiċi kontra n-nuqqas ta’ miżuri bbażati fuq min jissellef relatati mad-dħul biex tiġi mitigata akkumulazzjoni ulterjuri ta’ riskji relatati mas-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Diċembru 2021.

Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS,

F’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS

Francesco MAZZAFERRO


(1)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(2)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(3)  ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

(4)  Il-proporzjonijiet tad-dejn mad-dħul u tad-dejn għall-PDG għal-Liechtenstein huma biss bejn wieħed u ieħor komparabbli ma’ pajjiżi oħra taż-ŻEE. L-introjtu disponibbli fil-Liechtenstein huwa kkalkulat bħala d-differenza bejn l-introjtu taxxabbli totali u t-taxxa fuq il-ġid u fuq id-dħul. Barra minn hekk, iċ-ċifra tad-dejn totali tal-unitajiet domestiċi hija bbażata fuq l-istatistika tat-taxxa u d-dejn mhuwiex definit fuq bażi konsolidata (jiġifieri kreditu fi ħdan is-settur tal-unitajiet domestiċi jew anke fi ħdan il-familja huwa inkluż ukoll). Din il-kwistjoni ta’ definizzjoni tgħolli n-numru nominali meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra taż-ŻEE.

(5)  B’mod partikolari, il-bażi għat-taxxa għall-unitajiet domestiċi tinkludi wkoll rendiment ipotetiku fuq il-ġid nett (attwalment stabbilit għal 4 %) li jiżdied mad-dħul gwadanjat annwali. Sabiex jitnaqqas il-ġid nett tagħhom, l-unitajiet domestiċi jistgħu jżommu l-ipoteka tagħhom fis-seħħ minflok ma jħallsuha lura. Fil-prattika, madankollu, l-inċentiv fiskali biex isir dan huwa pjuttost żgħir, b’mod partikolari meta wieħed iqis ir-rata tal-imgħax fuq id-dejn mhux amortizzat li għad irid jitħallas.

(6)  Hemm restrizzjonijiet fuq ix-xiri ta’ djar fil-Liechtenstein fejn hemm nuqqas ta’ interess leġittimu, eż. fir-rigward ta’ proprjetà eżistenti. Madwar nofs it-tranżazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli fil-Liechtenstein mhumiex xirjiet, iżda minflok trasferimenti bi tpartit, donazzjoni jew wirt.

(7)  Għandu jiġi nnutat, madankollu, li effetti proċikliċi bħal dawn ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fiċ-ċiklu finanzjarju jkunu ferm aktar dgħajfa fil-Liechtenstein meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra taż-ŻEE, peress li d-domanda domestika għandha rwol relattivament żgħir fl-ekonomija estremament żgħira u miftuħa tal-Liechtenstein. Għalhekk, anki żieda sinifikanti fir-rata tat-tfaddil tal-unitajiet domestiċi jkollha effetti negliġibbli tad-domanda, li jillimitaw l-impatt fuq l-ekonomija usa’.

(8)  Il-banek kollha fil-Liechtenstein japplikaw l-Approċċ Standardizzat għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji.

(9)  Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-31 ta’ Ottubru 2016 dwar l-għeluq ta’ lakuni fid-dejta dwar il-proprjetà immobbli (BERS/2016/14) (ĠU C 31, 31.1.2017, p. 1).


17.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/25


TWISSIJA TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tat-2 ta’ Diċembru 2021

dwar vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tal-Ungerija

(BERS/2021/15)

(2022/C 122/06)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(c) u l-Artikoli 16 u 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

Billi:

(1)

Is-settur tal-abitazzjoni huwa settur ewlieni tal-ekonomija reali u jirrappreżenta parti kbira mill-ġid domestiku u t-tislif bankarju. Il-proprjetajiet immobbli residenzjali (RRE) jikkostitwixxu komponent kbir tal-assi miżmuma minn unitajiet domestiċi u s-selfiet għall-abitazzjoni sikwit huma parti kbira mill-karti tal-bilanċ tal-banek. Barra minn hekk, il-bini ta’ abitazzjonijiet huwa tipikament komponent importanti tal-ekonomija reali, bħala sors ta’ impjiegi, investiment u tkabbir.

(2)

Kriżijiet finanzjarji fl-imgħoddi u l-esperjenza f’ħafna pajjiżi wrew li żvilupp mhux sostenibbli fis-swieq tal-proprjetà immobbli jista’ jkollu riperkussjonijiet serji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u tal-ekonomija fit-totalità tagħha f’kwalunkwe pajjiż partikolari, li jistgħu jwasslu wkoll għal riperkussjonijiet transkonfinali negattivi. L-effetti fuq l-istabbiltà finanzjarja jistgħu jkunu kemm diretti kif ukoll indiretti. L-effetti diretti jikkonsistu fit-telf ta’ kreditu minn portafolji tas-self ipotekarju minħabba kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji avversi u żviluppi negattivi simultanji fis-suq RRE. L-effetti indiretti huma relatati ma’ aġġustamenti fil-konsum tal-unitajiet domestiċi, b’konsegwenzi ulterjuri għall-ekonomija reali u għall-istabbiltà finanzjarja.

(3)

Is-swieq tal-proprjetà immobbli huma suxxettibbli għal żviluppi ċikliċi. It-teħid ta’ riskji eċċessivi, ingranaġġ eċċessiv u inċentivi allinjati ħażin matul it-titjib taċ-ċiklu tal-proprjetà immobbli jistgħu jwasslu għal implikazzjonijiet negattivi serji kemm għall-istabbiltà finanzjarja kif ukoll għall-ekonomija reali. Minħabba r-rilevanza tal-RRE għall-istabbiltà finanzjarja u makroekonomika, l-użu tal-politika makroprudenzjali bil-għan li tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet fis-swieq RRE huwa partikolarment importanti, minbarra l-użu tagħha bħala mezz biex jittaffa r-riskju sistemiku.

(4)

Filwaqt li l-fatturi ċikliċi għandhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-vulnerabbiltajiet identifikati fis-swieq RRE fil-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), fatturi strutturali kkawżaw ukoll dawn il-vulnerabbiltajiet. Dawn il-fatturi strutturali jistgħu jinkludu nuqqas ta’ provvista ta’ abitazzjoni, li għamlet pressjoni dejjem akbar fuq il-prezzijiet tad-djar u d-dejn għall-unitajiet domestiċi li jixtru l-proprjetà tagħhom stess, u politiki pubbliċi oħrajn li jistgħu jservu ta’ inċentiv għall-unitajiet domestiċi biex jissellfu żżejjed. Minħabba li dawn il-fatturi jmorru lil hinn mill-politika makroprudenzjali, il-miżuri li joriġinaw minn oqsma ta’ politika oħrajn jistgħu jikkumplimentaw u jappoġġaw il-miżuri makroprudenzjali attwali biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet preżenti fis-swieq RRE f’ pajjiżi individwali b’mod effiċjenti u effettiv, mingħajr ma jiġu ġġenerati spejjeż eċċessivi għall-ekonomija reali u għas-sistema finanzjarja.

(5)

It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fl-2020 u l-kriżi relatata ma wasslux għal tnaqqis ċikliku fis-swieq tad-djar. Minflok, wara perjodu ta’ tkabbir gradwali, u fost l-ambjent b’rata tal-imgħax baxxa, it-tkabbir fil-prezz reali tad-djar u tas-self kompla jaċċellera iktar f’diversi pajjiżi, u dan fil-biċċa l-kbira jisboq it-tkabbir fid-dħul tal-unitajiet domestiċi. Sabiex jittaffa l-impatt tal-pandemija u l-inċertezza ekonomika li tirriżulta, ġew implimentati diversi miżuri u politiki, bħal moratorji u garanziji pubbliċi. F’dan il-kuntest ta’ politika wiesa’, il-miżuri makroprudenzjali skedati preċedentement ġew illaxkati temporanjament jew l-attivazzjoni tagħhom ittardjat f’xi pajjiżi. It-titjib osservat bħalissa fis-sitwazzjoni ekonomika jippermetti aġġustament tal-politika makroprudenzjali f’dawk il-pajjiżi fejn il-vulnerabbiltajiet relatati mal-RRE komplew jikbru.

(6)

Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) reċentement ikkonkluda valutazzjoni sistematika u li tħares ’il quddiem madwar iż-ŻEE kollha tal-vulnerabbiltajiet relatati mal-RRE.

(7)

Fir-rigward tal-Ungerija, din il-valutazzjoni reċenti żvelat li:

a.

It-tkabbir annwali fil-prezzijiet reali tad-djar kien qrib jew jaqbeż l-10 % bejn l-2015 u l-2019 u kien partikolarment evidenti f’Budapest. Skont l-istimi prodotti mill-Magyar Nemzeti Bank (MNB), tali dinamiżmu wassal għal sopravalutazzjoni sinifikanti, li laħqet il-quċċata ta’ 18 % f’Budapest u 3 % fil-pajjiż kollu fl-aħħar trimestru tal-2019. Id-data tal-MNB tindika li l-iżviluppi fil-prezzijiet varjaw b’mod sinifikanti f’partijiet differenti tal-pajjiż. Minn naħa waħda, f’termini reali l-prezzijiet tad-djar f’Budapest bdew jonqsu fl-aħħar tal-2019, staġnaw jew naqsu bi ftit fl-2020 u baqgħu moderati fl-ewwel nofs tal-2021. Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet aċċelleraw għal tkabbir b’żewġ ċifri f’żoni oħra, speċjalment f’muniċipalitajiet iżgħar u żoni rurali, li fihom l-unitajiet domestiċi kienu eliġibbli għas-sussidju tax-xiri tad-djar tal-gvern. Minn perspettiva li tħares ’il quddiem, ir-ritorn tat-turiżmu internazzjonali se jkun fattur determinanti importanti tal-iżviluppi fil-prezzijiet tad-djar f’Budapest. Fil-pajjiż kollu kemm hu, aktar użu ta’ diversi programmi ta’ sussidju tal-gvern (3) jista’ jikkontribwixxi għall-pressjonijiet tad-domanda fuq il-prezzijiet tad-djar, filwaqt li t-taxxa preferenzjali fuq il-valur miżjud għal kostruzzjoni ġdida (4) tista’ ttaffi l-limitazzjonijiet tal-provvista fiż-żmien medju.

b.

Il-kreditu ipotekarju ilu jiżdied b’mod robust minn nofs l-2018, b’rati reali ta’ tkabbir annwali ogħla minn jew qrib il-5 %. Minkejja li, skont l-istimi tal-MNB, madwar nofs it-tranżazzjonijiet tad-djar biss twettqu permezz ta’ kreditu bankarju fl-2020, it-tkabbir annwali reali tal-kreditu ipotekarju aċċellera għal medja ta’ 6.8 % bejn Jannar u Awwissu 2021. Sadanittant, it-tkabbir reali tal-kreditu tal-unitajiet domestiċi ammonta għal medja ta’ 10 % sena wara sena. Filwaqt li dan it-tkabbir qabeż it-tkabbir reali tal-ipoteki, dan kien xprunat mit-tkabbir fis-self ta’ appoġġ għat-trabi qabel it-twelid, kif ukoll is-sehem tas-self tal-unitajiet domestiċi f’moratorju (31 % tas-self RRE totali u 42 % tas-self RRE eliġibbli kienu għadhom f’dak il-moratorju, u għalhekk ma ġewx amortizzati, f’Ġunju 2021). Mingħajr l-effett tal-moratorju, it-tkabbir annwali reali tal-kreditu ipotekarju u tal-unitajiet domestiċi fl-ewwel nofs tal-2021 laħaq 0.7 % u 2.7 %, rispettivament, skont l-istimi tal-MNB. Il-firxa wiesgħa ta’ programmi ta’ sussidju tal-gvern, inkluż il-programm ta’ sussidju addizzjonali tal-gvern introdott fil-bidu tal-2021, ikkontribwixxiet ukoll għat-tkabbir fil-kreditu tal-unitajiet domestiċi (5).

c.

Għalkemm is-self ipotekarju ġie pprovdut bi proporzjonijiet għoljin ħafna bejn is-self u l-valur (LTV) qabel l-2008, 90 % tal-istokk tas-self kellu proporzjonijiet LTV ta’ inqas minn 80 % fl-ewwel nofs tal-2021. Dan kien ir-riżultat, sa ċertu punt, ta’ tkabbir mgħaġġel fil-prezzijiet tad-djar u ta’ self antik li ġie amortizzat. Barra minn hekk, il-proporzjonijiet LTV ta’ self ġdid ġew limitati għal 80 % mill-2015. Madankollu, fir-rigward tal-proporzjonijiet bejn is-servizz tad-dejn u l-introjtu (DSTI), madwar 22 % tas-self ipotekarju eżistenti u kważi 25 % tas-self ipotekarju ġdid (espress f’termini ta’ volum) fl-ewwel nofs tal-2021 kellhom proporzjonijiet DSTI bejn 40 % u 60 %. Dan kien parzjalment ir-riżultat ta’ limiti ogħla fuq il-proporzjon DSTI għal dawk li jissellfu bi dħul għoli, li s-sehem tagħhom ta’ self ġdid kien qed jikber: fl-ewwel nofs tal-2021, madwar 60 % ta’ dawk li jissellfu tas-self għad-djar kienu eliġibbli għal-limiti ogħla ta’ 60 % għal-limitu tal-proporzjon DSTI (bi dħul nett fix-xahar ogħla mil-limitu regolatorju ta’ HUF 500 000), u 5 % tas-self għal djar ġodda kellu proporzjon DSTI ogħla minn 50 %. Minkejja li l-maturitajiet tas-self il-ġdid kienu qed jitwalu xi ftit, skont l-MNB, l-evidenza ma tissuġġerixxix li qed jintużaw dejjem aktar maturitajiet itwal biex jiġu evitati l-limiti eżistenti fuq il-proporzjonijiet DSTI.

d.

Ir-rati tal-imgħax fissi ntużaw b’mod aktar frekwenti fir-rigward tal-kreditu tal-unitajiet domestiċi wara li l-MNB introduċa trademark ta’ ċertifikazzjoni fl-2017. Dan huwa disponibbli biss għal self għal djar b’perjodu ta’ fissazzjoni tar-rata tal-imgħax ta’ mill-inqas ħames snin. L-espansjoni tas-self għal djar b’perjodi itwal ta’ fissazzjoni tar-rata tal-imgħax kompliet tiġi amplifikata bil-limiti aktar baxxi għall-proporzjonijiet DSTI, applikabbli minn Ottubru 2018, għal self ipotekarju b’perjodu ta’ fissazzjoni tar-rata tal-imgħax iqsar minn 10 snin. Minn Frar 2021, madwar 75 % u 25 % tas-self ġdid ġew iffissati għal 10 u 5 snin, rispettivament. Madankollu, meta jitqies l-istokk tas-self, is-self b’perjodi ta’ fissazzjoni iqsar minn sena xorta jirrappreżenta kważi 40 % tal-kreditu maħruġ, għalkemm dan is-sehem kien qed jonqos gradwalment.

e.

Reċentement, il-moratorju fuq is-self relatat mal-pandemija COVID-19 ġie estiż sa Ġunju 2022. Madankollu, l-eliġibbiltà fir-rigward tal-moratorju tnaqqset, u l-istokk tas-self tal-unitajiet domestiċi li baqa’ taħt il-moratorju jammonta għal madwar 5 % tal-portafoll tas-self tal-unitajiet domestiċi pendenti totali. Skont l-analiżi tal-MNB, is-self fil-moratorju preċedenti u usa’ tal-unitajiet domestiċi li jissellfu li huma impjegati f’setturi vulnerabbli ammonta għal madwar 10 % tas-self pendenti kollu.

f.

Il-BERS jirrikonoxxi l-miżuri makroprudenzjali li huma fis-seħħ fl-Ungerija li jtaffu l-vulnerabbiltajiet attwali tal-proprjetà immobbli, jiġifieri l-limiti fuq il-proporzjonijiet LTV u DSTI. Barra minn hekk, il-BERS jirrikonoxxi li l-banek irrikonoxxew debitament iż-żieda fir-riskju ta’ kreditu minħabba l-moratorju estiż billi kklassifikaw xi self bħala self tal-Istadju 2.

g.

Minn perspettiva li tħares ’il quddiem u b’kont meħud tal-prospettiva tar-riskju fuq żmien medju, it-taħlita ta’ politika makroprudenzjali attwali hija kkunsidrata parzjalment xierqa u parzjalment suffiċjenti. Jekk il-vulnerabbiltajiet tal-RRE jibqgħu jiżdiedu, l-issikkar tal-limitu fuq il-proporzjon DSTI, filwaqt li jikkomplementah b’limitu ta’ maturità, u/jew l-introduzzjoni ta’ riżerva għal riskju sistemiku jew ta’ riżerva ta’ kapital kontroċiklika, jikkontribwixxu biex itaffu dawk il-vulnerabbiltajiet. Madankollu, il-politiki makroprudenzjali għandhom jkunu kkumplimentati b’azzjoni ta’ politika usa’ mmirata lejn il-mitigazzjoni jew l-eliminazzjoni tal-fatturi li jiffaċilitaw jew jippromwovu żieda fil-livelli ta’ djun tal-unitajiet domestiċi jew żbilanċ fl-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni. Dawn il-politiki għandhom jappoġġjaw il-miżuri makroprudenzjali attwali biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet li jifdal li ġew identifikati fis-suq RRE fl-Ungerija b’mod effiċjenti u effettiv, mingħajr ma jinħolqu spejjeż eċċessivi għall-ekonomija reali u s-sistema finanzjarja tal-Ungerija. Fl-Ungerija, is-sussidji tal-gvern u s-self ta’ appoġġ jistgħu jikkontribwixxu biex iżidu d-domanda għal djar okkupati mis-sidien, li jwasslu għal sopravalutazzjoni ogħla tal-prezzijiet tad-djar kif ukoll għad-dejn tal-unitajiet domestiċi, f’kuntest ta’ provvista insuffiċjenti ta’ akkomodazzjoni. Għalhekk, politiki ulterjuri jistgħu jinkludu t-tneħħija ta’ inċentivi għal dejn ogħla tal-unitajiet domestiċi, speċjalment sussidji tal-gvern u self ta’ appoġġ, u l-iżgurar ta’ provvista adegwata ta’ akkomodazzjoni u suq tal-kiri effiċjenti. Ikun rakkomandabbli, fit-trimestri li ġejjin, li l-awtoritajiet nazzjonali jkomplu jimmonitorjaw il-kwalità kreditizja tad-dejn tal-unitajiet domestiċi taħt moratorju u jiżguraw proviżjonament adegwat għat-telf mistenni.

(8)

Meta jiġu attivati kwalunkwe miżuri biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati, il-kalibrazzjoni u l-introduzzjoni gradwali tagħhom għandhom iqisu l-pożizzjoni tal-Ungerija fiċ-ċikli ekonomiċi u finanzjarji, u kwalunkwe implikazzjoni potenzjali fir-rigward tal-ispejjeż u l-benefiċċji assoċjati,

ADOTTA DIN IT-TWISSIJA;

Il-BERS identifika vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tal-Ungerija bħala sors ta’ riskju sistemiku għall-istabbiltà finanzjarja, li jista’ jkollhom il-potenzjal ta’ konsegwenzi negattivi serji għall-ekonomija reali. Minn perspettiva makroprudenzjali, il-BERS iqis il-vulnerabbiltajiet ewlenin bħala r-riskju dejjem jikber ta’ sopravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar flimkien mat-tkabbir rapidu fl-għoti ta’ self ipotekarju u kreditu lill-unitajiet domestiċi flimkien ma’ gruppi ta’ vulnerabbiltajiet relatati ma’ dawk li jissellfu b’servizz ta’ dejn għoli.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Diċembru 2021.

Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS,

F’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS

Francesco MAZZAFERRO


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(2)  ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

(3)  Is-sussidju għax-xiri tad-djar u s-self ta’ appoġġ għat-trabi qabel it-twelid, li huwa self mingħajr imgħax mingħajr limiti fuq l-iskop.

(4)  It-taxxa fuq il-valur miżjud preferenzjali għal kostruzzjoni ġdida ġiet introdotta mill-ġdid f’Jannar 2021 u tipprovdi benefiċċji għall-abitazzjonijiet li jitlestew sal-2026 (b’permessi tal-bini maħruġa sal-2022).

(5)  Il-programm ta’ sussidju addizzjonali tal-gvern jipprovdi appoġġ fiskali lil unitajiet domestiċi diġà involuti fil-programm ta’ sussidju għax-xiri tad-djar.


17.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/28


TWISSIJA TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tat-2 ta’ Diċembru 2021

dwar vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tas-Slovakkja

(BERS/2021/16)

(2022/C 122/07)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(c) u l-Artikoli 16 u 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

Billi:

(1)

Is-settur tal-abitazzjoni huwa settur ewlieni tal-ekonomija reali u jirrappreżenta parti kbira mill-ġid domestiku u t-tislif bankarju. Il-proprjetajiet immobbli residenzjali (RRE) jikkostitwixxu komponent kbir tal-assi miżmuma minn unitajiet domestiċi u s-selfiet għall-abitazzjoni sikwit huma parti kbira mill-karti tal-bilanċ tal-banek. Barra minn hekk, il-bini ta’ abitazzjonijiet huwa tipikament komponent importanti tal-ekonomija reali, bħala sors ta’ impjiegi, investiment u tkabbir.

(2)

Kriżijiet finanzjarji fl-imgħoddi u l-esperjenza f’ħafna pajjiżi wrew li żvilupp mhux sostenibbli fis-swieq tal-proprjetà immobbli jista’ jkollu riperkussjonijiet serji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u tal-ekonomija fit-totalità tagħha f’kwalunkwe pajjiż partikolari, li jistgħu jwasslu wkoll għal riperkussjonijiet transkonfinali negattivi. L-effetti fuq l-istabbiltà finanzjarja jistgħu jkunu kemm diretti kif ukoll indiretti. L-effetti diretti jikkonsistu fit-telf ta’ kreditu minn portafolji tas-self ipotekarju minħabba kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji avversi u żviluppi negattivi simultanji fis-suq RRE. L-effetti indiretti huma relatati ma’ aġġustamenti fil-konsum domestiku, b’konsegwenzi ulterjuri għall-ekonomija reali u għall-istabbiltà finanzjarja.

(3)

Is-swieq tal-proprjetà immobbli huma suxxettibbli għal żviluppi ċikliċi. It-teħid ta’ riskji eċċessivi, ingranaġġ eċċessiv u inċentivi allinjati ħażin matul it-titjib taċ-ċiklu tal-proprjetà immobbli jistgħu jwasslu għal implikazzjonijiet negattivi serji kemm għall-istabbiltà finanzjarja kif ukoll għall-ekonomija reali. Minħabba r-rilevanza tal-RRE għall-istabbiltà finanzjarja u makroekonomika, l-użu tal-politika makroprudenzjali bil-għan li tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet fis-swieq RRE huwa partikolarment importanti, minbarra l-użu tagħha bħala mezz biex jittaffa r-riskju sistemiku.

(4)

Filwaqt li l-fatturi ċikliċi għandhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-vulnerabbiltajiet identifikati fis-swieq RRE fil-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), fatturi strutturali kkawżaw ukoll dawn il-vulnerabbiltajiet. Dawn il-fatturi strutturali jistgħu jinkludu nuqqas ta’ provvista ta’ abitazzjoni, li għamlet pressjoni dejjem akbar fuq il-prezzijiet tad-djar u d-dejn għall-unitajiet domestiċi li jixtru l-proprjetà tagħhom stess, u politiki pubbliċi oħrajn li jistgħu jservu ta’ inċentiv għall-unitajiet domestiċi biex jissellfu żżejjed. Minħabba li dawn il-fatturi jmorru lil hinn mill-politika makroprudenzjali, il-miżuri li joriġinaw minn oqsma ta’ politika oħrajn jistgħu jikkumplimentaw u jappoġġaw il-miżuri makroprudenzjali attwali biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet preżenti fis-swieq RRE f’ pajjiżi individwali b’mod effiċjenti u effettiv, mingħajr ma jiġu ġġenerati spejjeż eċċessivi għall-ekonomija reali u għas-sistema finanzjarja.

(5)

It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fl-2020 u l-kriżi relatata ma wasslux għal tnaqqis ċikliku fis-swieq tad-djar. Minflok, wara perjodu ta’ tkabbir gradwali, u fost l-ambjent b’rata tal-imgħax baxxa, it-tkabbir fil-prezz reali tad-djar u tas-self kompla jaċċellera iktar f’diversi pajjiżi, u dan fil-biċċa l-kbira jisboq it-tkabbir fid-dħul tal-unitajiet domestiċi. Sabiex jittaffa l-impatt tal-pandemija u l-inċertezza ekonomika li tirriżulta, ġew implimentati diversi miżuri u politiki, bħal moratorji u garanziji pubbliċi. F’dan il-kuntest ta’ politika wiesa’, il-miżuri makroprudenzjali skedati preċedentement ġew illaxkati temporanjament jew l-attivazzjoni tagħhom ittardjat f’xi pajjiżi. It-titjib osservat bħalissa fis-sitwazzjoni ekonomika jippermetti aġġustament tal-politika makroprudenzjali f’dawk il-pajjiżi fejn il-vulnerabbiltajiet relatati mal-RRE komplew jikbru.

(6)

Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) recentement ikkonkluda valutazzjoni sistematika u li tħares ’il quddiem madwar iż-ŻEE kollha tal-vulnerabbiltajiet relatati mal-RRE.

(7)

Fir-rigward tas-Slovakkja, din il-valutazzjoni reċenti żvelat li:

a.

Il-prezzijiet tad-djar żdiedu kontinwament f’termini reali fis-Slovakkja matul l-aħħar ħames snin. Minkejja l-issikkar tal-limitu bejn is-self u l-valur legalment vinkolanti, ir-rata ta’ tkabbir tal-prezzijiet tad-djar aċċellerat mill-bidu tal-2019. Matul il-pandemija tal-COVID-19, iż-żidiet fil-prezzijiet komplew jaċċelleraw u ż-żieda reali annwali fil-prezzijiet tad-djar laħqet kważi 16 % fit-tieni trimestru tal-2021, it-tieni l-ogħla livell fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-affordabbiltà tad-djar naqset maż-żmien minħabba li l-prezzijiet tad-djar żdiedu b’rata aktar mgħaġġla mid-dħul tal-unitajiet domestiċi. Skont il-metriċi ta’ sopravalutazzjoni, hemm riskju dejjem jikber ta’ sopravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar. Id-dinamika tal-prezzijiet ġiet sostnuta minn ekonomija f’fażi ta’ espansjoni, rati tal-imgħax baxxi, żieda fit-tfaddil tal-unitajiet domestiċi u domanda qawwija tal-unitajiet domestiċi għal akkomodazzjoni ġdida kontra nuqqas ta’ provvista.

b.

It-tkabbir tal-kreditu ipotekarju fis-Slovakkja kien fost l-ogħla fl-Unjoni matul dawn l-aħħar tliet snin, minkejja l-miżuri ta’ politika, u rreżista wkoll ix-xokk tal-COVID-19. Is-suq ipotekarju Slovakk huwa kkaratterizzat minn rati tal-imgħax baxxi, domanda qawwija għal ipoteki, amplifikat minn livelli li qed jiżdiedu tal-prezzijiet tad-djar, kif ukoll kompetizzjoni intensa fost min isellef. Barra minn hekk, is-settur bankarju Slovakk huwa wieħed mill-aktar esposti għal attivitajiet ta’ proprjetà immobbli madwar il-pajjiżi taż-ŻEE.

c.

Id-dejn tal-unitajiet domestiċi fis-Slovakkja żdied matul l-aħħar snin minħabba attività ta’ self intensa. Wara snin ta’ żidiet b’żewġ ċifri fl-istokk tad-dejn reali tal-unitajiet domestiċi, il-pass tat-tkabbir tad-dejn tal-unitajiet domestiċi naqas, u stabbilizza għal madwar 4 % fl-2020. Minkejja dan in-nuqqas, li seħħ ukoll bis-saħħa ta’ miżuri ta’ politika makroprudenzjali (l-introduzzjoni tal-limitu tad-dejn għad-dħul u l-issikkar tal-limitu tas-servizz tad-dejn għad-dħul), it-tkabbir fid-dejn tal-unitajiet domestiċi għadu fost l-ogħla fl-Unjoni u ssarraf fi proporzjon tad-dejn għall-PDG li qed jiżdied. Filwaqt li l-unitajiet domestiċi naqqsu l-konsum tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19, id-domanda tagħhom għal self għall-akkomodazzjoni baqgħet b’saħħitha. Fil-fatt, il-finanzjament mill-ġdid tas-self ipotekarju żdied dan l-aħħar u ta’ spiss huwa assoċjat mat-tkattir tal-ammont tas-self nozzjonali oriġinali. Vulnerabbiltà oħra tirriżulta mill-fatt li l-maturità ta’ proporzjon sinifikanti ta’ self taqbeż l-età tal-irtirar ta’ min jissellef. Kemm dawn l-iżviluppi kif ukoll iż-żoni ta’ vulnerabbiltajiet jeħtieġ li jiġu mmonitorjati mill-qrib fil-futur.

d.

L-akkumulazzjoni tal-vulnerabbiltajiet imsemmija hawn fuq tista’ tiġi attribwita wkoll għal għadd ta’ fatturi strutturali bħar-reġim tat-taxxa favorevoli fir-rigward tas-suq tal-proprjetà kif ukoll limitazzjonijiet fil-funzjonament tas-suq tal-kiri.

e.

Il-BERS jirrikonoxxi li fis-Slovakkja hemm fis-seħħ diversi miżuri mmirati lejn il-mitigazzjoni tal-vulnerabbiltajiet RRE attwali, inkluż, b’mod partikolari, sett komprensiv ta’ miżuri bbażati fuq min jissellef biex jindirizzaw b’mod xieraq ir-riskji sottostanti relatati mas-self ipotekarju u l-vulnerabbiltajiet ta’ min jissellef. Barra minn hekk, ir-riżerva ta’ kapital kontroċiklika pożittiva (CCyB) hija għodda xierqa biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet relatati mat-tkabbir rapidu tal-kreditu, li kien mifrux fis-setturi kollha, u tiżdied ir-reżiljenza tas-settur bankarju.

f.

Minn perspettiva li tħares ’il quddiem u b’kont meħud tal-prospettiva tar-riskju fuq żmien medju, it-taħlita ta’ politika makroprudenzjali attwali hija kkunsidrata parzjalment xierqa u parzjalment suffiċjenti. Minħabba l-akkumulazzjoni kontinwa ta’ gruppi ta’ vulnerabbiltajiet, l-irfinar tal-miżuri eżistenti bbażati fuq min jissellef ikun xieraq. Jekk tkompli l-akkumulazzjoni tar-riskji ċikliċi jew jiġu intensifikati l-vulnerabbiltajiet strutturali, l-awtoritajiet Slovakki jistgħu jikkunsidraw il-bini mill-ġdid tas-CCyB jew l-introduzzjoni ta’ riżerva tar-riskju sistemiku settorjali biex tkompli tiżdied ir-reżiljenza kontra r-riskji li jeżistu fis-settur RRE. Barra minn hekk, l-attivazzjoni tal-limitu minimu tal-piż tar-riskju għall-iskoperturi RRE bbażati fuq il-klassifikazzjonijiet interni permezz tal-Artikolu 458 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tikkostitwixxi wkoll opzjoni li żżid ir-reżiljenza tas-settur bankarju. Lil hinn mill-miżuri makroprudenzjali, il-kunsiderazzjoni ta’ aġġustamenti għar-reġim tat-taxxa favorevoli relatat ma’ RRE, kif ukoll miżuri li jtejbu l-funzjonament tas-suq tal-kiri jistgħu jimmitigaw is-sorsi ta’ riskji sistemiċi relatati mas-settur RRE Slovakk.

(8)

Meta jiġu attivati kwalunkwe miżuri biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati, il-kalibrazzjoni u l-introduzzjoni gradwali tagħhom għandhom iqisu l-pożizzjoni tas-Slovakkja fiċ-ċikli ekonomiċi u finanzjarji, u kwalunkwe implikazzjoni potenzjali fir-rigward tal-ispejjeż u l-benefiċċji assoċjati,

ADOTTA DIN IT-TWISSIJA;

Il-BERS identifika vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali tas-Slovakkja bħala sors ta’ riskju sistemiku għall-istabbiltà finanzjarja, li jista’ jkollhom il-potenzjal ta’ konsegwenzi negattivi serji għall-ekonomija reali. Minn perspettiva makroprudenzjali, il-BERS iqis il-vulnerabbiltajiet ewlenin bħala r-riskju dejjem jikber ta’ sopravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar flimkien mar-rata għolja ta’ tkabbir fil-prezzijiet tad-djar kif ukoll dejn tal-unitajiet domestiċi li qed jiżdied flimkien ma’ żoni ta’ riskju relatati ma’ żieda fid-dejn tal-unitajiet domestiċi u l-għoti ta’ self ipotekarju.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Diċembru 2021.

Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS,

F’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS

Francesco MAZZAFERRO


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(2)  ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

(3)  Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

17.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/31


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.10447 — NN / METLIFE GREECE / METLIFE POLAND)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 122/08)

Fit 7 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tas-sit web tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Dan is-sit web jipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fis-sit web EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32021M10447. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


17.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/32


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.10589 — ADT / FORD NEXT / SNTNL)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 122/09)

Fit 24 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tas-sit web tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Dan is-sit web jipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fis-sit web EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32022M10589. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


III Atti preparatorji

IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

17.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/33


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-13 ta’ Jannar 2022

dwar proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment fir-rigward tar-riżoluzzjoni

(CON/2022/3)

(2022/C 122/10)

Introduzzjoni u bażi legali

Fid-29 ta’ Novembru 2021 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talbiet mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tat-trattament prudenzjali ta’ gruppi ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti bi strateġija ta’ riżoluzzjoni b’punti multipli ta’ dħul u metodoloġija għas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli biex jissodisfaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompiti tal-BĊE dwar superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat u l-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali għat-tmexxija bla xkiel ta’ politiki relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet Ġenerali

Il-BĊE jirrikonoxxi li r-regolament propost jikkonsisti f’aġġustamenti tekniċi bil-għan li jiġu operazzjonalizzati deċiżjonijiet leġiżlattivi sostantivi implimentati mill-aħħar emendi għad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (minn hawn ’il quddiem il-“BRRD”), ivvalutati fl-opinjoni tal-BĊE dwar ir-reviżjonijiet tal-qafas tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet (3).

Il-BĊE jappoġġa r-regolament propost, li jiżgura allinjament aħjar bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital” jew “CRR”) u d-dispożizzjonijiet tal-BRRD, wara d-dħul fis-seħħ tal-qafas rivedut dwar il-Kapaċità Totali ta’ Assorbiment tat-Telf (TLAC) u r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli. Il-BĊE jappoġġa wkoll ir-regolament propost peress li jiżgura allinjament aħjar tat-trattament regolatorju ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs) ma’ strateġija ta’ riżoluzzjoni ta’ punti multipli ta’ dħul (MPE), inklużi gruppi b’sussidjarji rreġistrati f’pajjiżi terzi, mat-trattament deskritt fl-istandard TLAC.

Għall-quddiem, il-BĊE jistieden lill-korpi leġiżlattivi tal-Unjoni biex jimmonitorjaw u jivvalutaw l-implimentazzjoni ta’ dawn l-emendi għas-CRR fid-dawl tal-għanijiet msemmija hawn fuq, b’mod aktar speċifiku biex jivvalutaw l-interazzjoni bejn il-BRRD u s-CRR kif ukoll biex jevitaw banek globali sistemikament importanti u G-SIIs involuti f’arbitraġġ regolatorju bejn punt uniku ta’ dħul u strateġiji ta’ riżoluzzjoni MPE bbażati fuq ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli jew il-livell fil-mira tat-TLAC.

Qed jiġu proposti xi aġġustamenti tekniċi żgħar, bil-għan li tiġi ċċarata l-interpretazzjoni tat-test legali jew biex tiġi żgurata l-konsistenza tat-terminoloġija użata fir-regolament. Għal dan il-għan, proposta speċifika ta’ abbozzar tinsab f’dokument ta’ ħidma tekniku separat akkumpanjat minn test ta’ spjegazzjoni. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-13 ta’ Jannar 2022.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2021) 665 final.

(2)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(3)  Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta’ Novembru 2017 dwar reviżjonijiet għall-qafas ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet tal-Unjoni (CON/2017/47) (ĠU C 314, 31.1.2018, p. 17).

(4)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

17.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/35


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Is-16 ta’ Marzu 2022

(2022/C 122/11)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,0994

JPY

Yen Ġappuniż

130,05

DKK

Krona Daniża

7,4412

GBP

Lira Sterlina

0,83988

SEK

Krona Żvediża

10,4205

CHF

Frank Żvizzeru

1,0336

ISK

Krona Iżlandiża

143,50

NOK

Krona Norveġiża

9,7988

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,687

HUF

Forint Ungeriż

371,18

PLN

Zloty Pollakk

4,6765

RON

Leu Rumen

4,9473

TRY

Lira Turka

16,1783

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5165

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3967

HKD

Dollaru ta’ Hong Kong

8,5996

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6168

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,4966

KRW

Won tal-Korea t’Isfel

1 353,77

ZAR

Rand ta’ l-Afrika t’Isfel

16,5574

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

6,9817

HRK

Kuna Kroata

7,5725

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 690,36

MYR

Ringgit Malażjan

4,6147

PHP

Peso Filippin

57,433

RUB

Rouble Russu

 

THB

Baht Tajlandiż

36,681

BRL

Real Brażiljan

5,6523

MXN

Peso Messikan

22,8540

INR

Rupi Indjan

83,7805


(1)  Sors: rata tal-kambju ta’ referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

17.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/36


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10675 – CDPQ / TRANSURBAN / AUSTRALIANSUPER / CPP INVESTMENTS / ADIA / WCX)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 122/12)

1.   

Fid-9 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Caisse de dépôt et placement du Québec (“CDPQ”, il-Kanada),

Transurban Holdings Limited (“Transurban”, l-Awstralja),

AustralianSuper Pty Ltd (“AustralianSuper”, l-Awstralja),

Canada Pension Plan Investment Board (“CPP Investments”, il-Kanada),

Tawreed Investments Limited (“Tawreed”, il-Gżejjer Kajman), ikkontrollata minn Abu Dhabi Investment Authority (“ADIA”, l-Emirati Għarab Magħquda)

WestConnex (“WCX”, l-Awstralja).

CDPQ, Transurban, AustralianSuper, CPP Investments u Tawreed se jakkwistaw, fis-sens tal-Artikoli 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ WCX kollha kemm hi.

Il-konċentrazzjoni titwettaq permezz ta’ kuntratt jew ta’ xi mezz ieħor.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

CDPQ hija investitur istituzzjonali fit-tul li tiġġestixxi fondi primarjament għal pensjonijiet pubbliċi u parapubbliċi u pjanijiet ta’ assikurazzjoni fil-Provinċja ta’ Québec, u primarjament tinvesti f’assi infrastrutturali,

Transurban hija kumpanija ta’ operatur tat-toroq b’pedaġġ li tiġġestixxi u tiżviluppa networks tat-toroq urbani b’pedaġġ fl-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerka,

AustralianSuper hija l-akbar fond tal-pensjoni Awstraljan għall-ħaddiema fis-settur industrijali b’attivitajiet ta’ investiment fil-livell dinji,

CPP Investments hija organizzazzjoni ta’ ġestjoni tal-investiment li tinvesti l-fondi ttrasferiti lilha mill-Pjan tal-Pensjoni tal-Kanada, prinċipalment f’ekwitajiet pubbliċi, ekwitajiet privati, proprjetà immobbli, infrastruttura u investimenti bi dħul fiss,

Tawreed għandha diversi investimenti fl-infrastruttura u tiġġestixxi portafoll ta’ investiment fil-livell dinji. ADIA, il-kumpanija prinċipali ta’ Tawreed, hija entità tal-gvern u proprjetà tal-Emirat ta’ Abu Dhabi li tiġġestixxi portafoll ta’ investiment globali diversifikat,

WCX hija involuta fl-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta’ toroq b’pedaġġ f’Sydney, New South Wales.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja tiġi speċifikata dejjem:

M.10675 – CDPQ / TRANSURBAN / AUSTRALIANSUPER / CPP INVESTMENTS / WCX

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (“ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

17.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/38


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, fi Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2022/C 122/13)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONIJIET TA’ ORIĠINI PROTETTI JEW TA’ INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI LI MA HIJIEX MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“PIMIENTO DE GERNIKA”/“GERNIKAKO PIPERRA”

Nru tal-UE: PGI-ES-0673-AM01- 22 ta’ Frar 2016

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Isem: Comité Profesional “Gernikako Piperra o Pimiento de Gernika” [Kumitat Professjonali għall-“Gernikako Piperra”/“Pimiento de Gernika”]

Indirizz: Torre Muntsaratz. Bo Muntsaratz, 17-A. 48220. Abadiño (Bizkaia).

Telefown +32 94-6030330; Fax +34 94-6063953

Kompożizzjoni: Produtturi/proċessuri ( x ) oħrajn ( )

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Spanja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn [speċifika]

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti)

5.   Emenda/i

Deskrizzjoni eżawrjenti u raġunijiet speċifiċi għal kull emenda:

L-emendi proposti huma mmotivati mill-ħtieġa li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tinġieb f’konformità maċ-ċirkostanzi attwali u li tiġi żgurata s-sopravivenza tal-għalla, filwaqt li jinżammu l-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott finali mingħajr ma tiddgħajjef ir-rabta bejn il-prodott u l-ambjent.

DESKRIZZJONI TAL-PRODOTT

Fil-paragrafu dwar il-karatteristiċi tal-prodott fid-deskrizzjoni tal-prodott (Taqsima B), huwa propost li titħassar id-differenza massima fit-tul ta’ 2 cm ittollerata f’kull pakkett, meta jitqies li s-sempliċi fatt li huma ddefiniti l-karatteristiċi tat-tul għall-“Pimiento de Gernika” (bejn 6 u 9 cm) diġà jiżgura l-uniformità meħtieġa f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011. Barra minn hekk, peress li dan huwa bżar mhux misjur, u għalhekk ta’ dijametru u tul “żgħar”, l-ippakkjar kummerċjali tiegħu ma huwiex soġġett għad-dispożizzjoni fl-istandard tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bżar ħelu li teħtieġ li l-bżar ħelu tawwali jkun ta’ tul uniformi biżżejjed.

Id-differenza massima fit-tul ta’ 2 cm ittollerata għal kull pakkett, wara kollox, ma hijiex karatteristika tal-bżar innifsu iżda rekwiżit tal-kummerċjalizzazzjoni.

Din l-emenda taffettwa t-taqsima 3.2 tad-Dokument Uniku.

Għalhekk, fejn jgħid:

Tul bejn 6 u 9 cm. F’kull pakkett id-differenza massima fit-tul ittollerata hija ta’ 2 cm.

dan għandu jgħid:

Tul bejn 6 u 9 cm.

ŻONA ĠEOGRAFIKA

Huwa propost li din it-taqsima tiġi emendata billi titneħħa ż-żona tal-ippakkjar, minħabba li l-ippakkjar innifsu ma huwiex stadju tal-produzzjoni tal-prodott, filwaqt li jinżammu r-rekwiżiti l-oħrajn kollha tal-produzzjoni li jaffettwaw il-kwalità tal-prodott.

Dan huwa stabbilit fil-punt 3.5 tad-Dokument Uniku, li minnu tħassru s-sentenzi li ġejjin: “Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.”, “Iż-żona tal-preparazzjoni u dik tal-ippakkjar huma l-istess bħaż-żona tal-produzzjoni”, “Ir-rekwiżit li l-bżar jiġi ppreparat u ppakkjat fiż-żona tal-produzzjoni għandu l-għan li jipproteġi r-reputazzjoni tad-deżinjazzjoni, billi jiggarantixxi l-awtentiċità tal-prodott u jippreserva l-kwalità u l-karatteristiċi tiegħu.”.

PROVA TAL-ORIĠINI

Qed jiġi propost li jiġi emendat ir-raba’ paragrafu, peress li wieħed mill-fatturi li jiggarantixxu l-oriġini tal-prodott huwa ż-żerriegħa, u li l-awtentiċità taż-żerriegħa hija żgurata peress li tista’ tinkiseb biss minn produtturi rreġistrati taħt l-IĠP. Dan ifisser li ma huwiex l-ittestjar ġenetiku (DNA) jew fiżikokimiku iżda t-traċċabbiltà taż-żerriegħa li tiggarantixxi l-oriġini u l-awtentiċità tal-prodotti bl-indikazzjoni ġeografika protetta.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

Għalhekk, fejn jgħid:

Is-sistema ta’ spezzjoni u ċertifikazzjoni hija fattur essenzjali li jiggarantixxi l-oriġini, il-kwalità u t-traċċabbiltà tal-prodott. Jikkonsisti mill-proċessi li ġejjin:

Il-produtturi rreġistrati jiġu fornuti biż-żerriegħa mill-assoċjazzjonijiet tal-kultivaturi. L-azjendi rreġistrati jistgħu jkabbru biss il-varjetajiet awtorizzati għal dan it-tip ta’ bżar. Sabiex jiġu ggarantiti l-oriġini u l-awtentiċità tal-prodott, dan huwa soġġett għall-ittestjar ġenetiku (DNA) u fiżikokimiku mill-korp ta’ spezzjoni.

Dan għandu jgħid:

Is-sistema ta’ spezzjoni u ċertifikazzjoni taż-żerriegħa hija fattur essenzjali li jiggarantixxi l-oriġini, il-kwalità u t-traċċabbiltà tal-prodott. Jikkonsisti mill-proċessi li ġejjin:

Il-produtturi rreġistrati jiġu fornuti b’żerriegħa ċċertifikata. L-azjendi rreġistrati jistgħu jkabbru biss il-varjetajiet awtorizzati għal dan it-tip ta’ bżar. Il-korp ta’ spezzjoni jeħtieġ ċertifikat tax-xiri li jagħti prova tal-oriġini u l-awtentiċità taż-żerriegħa ċċertifikata.

Fit-Taqsima E dwar il-metodu tal-produzzjoni, l-ewwel paragrafu, li jirreferi għall-awtentiċità taż-żerriegħa ċċertifikata, jgħid hekk:

L-assoċjazzjonijiet tal-kultivaturi għandhom jagħżlu ż-żerriegħa proprja tagħhom minn linji ta’ tnissil veru u għandhom jipprovduha lill-azjendi rreġistrati taħt l-indikazzjoni ġeografika u li jinsabu fiż-żona protetta. Sabiex jiġu ggarantiti l-oriġini u l-awtentiċità tal-prodott, dan mhux biss għandu jiġi ssorveljat mill-assoċjazzjonijiet tal-kultivaturi u awtomonitorjat mill-kultivaturi rreġistrati, iżda għandu jiġi stabbilit ukoll pjan tal-awditu annwali mill-korp ta’ spezzjoni.

Dan għandu jgħid:

L-azjendi rreġistrati taħt l-indikazzjoni ġeografika u li jinsabu fiż-żona protetta għandhom jiggarantixxu l-oriġini u l-awtentiċità tal-prodott permezz tat-traċċabbiltà taż-żerriegħa ċċertifikata u l-awtomonitoraġġ mill-kultivaturi rreġistrati. Barra minn hekk, il-korp ta’ spezzjoni għandu jistabbilixxi pjan tal-awditu annwali.

METODU TA’ PRODUZZJONI

L-emenda proposta għal din it-taqsima hija mmotivata mill-ħtieġa li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tinġieb f’konformità maċ-ċirkostanzi attwali u l-progress teknoloġiku. Għalhekk huwa propost li jsir possibbli li jkun hemm it-tieni ċiklu tat-tħawwil, li tiġi stabbilita densità massima tat-tħawwil, li tinbidel il-frekwenza tal-ħsad u li jsiru permessi l-ippakkjar bil-magni u l-possibbiltà li l-għalla titkabbar fis-substrat.

Huwa propost li t-tielet, il-ħames, it-tlettax-il u d-dsatax-il paragrafu ta’ din it-taqsima fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jiġu sostitwiti kif ġej:

1.

It-tielet paragrafu tat-Taqsima E tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

Ġiet introdotta l-possibbiltà tat-tieni ċiklu tat-tħawwil minħabba li l-fatt li l-kultivaturi dejjem jaħdmu bi pjanti żgħar fl-età jippermetti li tinżamm il-kwalità tal-prodott tul il-perjodu tal-kummerċjalizzazzjoni. It-tqassim tal-għalla tul iż-żmien b’dan il-mod jikkonforma mal-prattiki ta’ tkabbir tradizzjonali f’din iż-żona.

Fir-rigward tad-densità tat-tħawwil, limitu massimu biss huwa utli biex tiġi żgurata l-kwalità tal-prodott. Densitajiet iktar baxxi ma jwasslux għal telf tal-kwalità.

Din l-emenda taffettwa t-taqsima 3.4 tad-Dokument Uniku.

Għalhekk, il-formulazzjoni attwali:

It-tħawwil fil-miftuħ għandu jsir bejn April u Mejju u t-tħawwil fis-serer jew fil-mini serer tal-plastik għandu jsir qabel, fi Frar, f’Marzu u f’April. Il-bżar għandu jinħasad minn Ġunju fl-ewwel każ u minn nofs April fit-tieni każ. Il-ħsad tal-għalla jsir l-iktar bejn April u Novembru. Id-densità għandha tkun ta’ bejn 3 u 4 pjanti f’kull metru kwadru.

hija sostitwita b’dan li ġej:

It-tħawwil fil-miftuħ għandu jsir bejn April u Mejju u t-tħawwil fis-serer jew fil-mini serer tal-plastik għandu jsir qabel, fi Frar, f’Marzu u f’April; huwa permess li jsir ċiklu tat-tħawwil ieħor minn Ġunju. Il-bżar għandu jinħasad minn Ġunju fl-ewwel każ u minn nofs April fit-tieni każ. Il-ħsad tal-għalla jsir l-iktar bejn April u Novembru. Id-densità għandha tkun sa 4 pjanti għal kull metru kwadru.

2.

Il-ħames paragrafu huwa emendat biex jinkludi l-possibbiltà li l-għalla titkabbar f’substrat peress li mhux dejjem hemm għalfejn titkabbar fil-ħamrija.

Din l-emenda taffettwa t-taqsima 5 tad-Dokument Uniku.

Iż-żoni tal-produzzjoni xierqa għat-tkabbir tal-“Pimiento de Gernika” huma limitati ħafna minħabba l-kundizzjonijiet tat-terren, l-iżvilupp urban u l-pressjoni tal-infrastruttura, u t-tqassim tipiku tal-azjendi żgħar fil-Pajjiż Bask. B’riżultat ta’ dan, l-għelejjel ma jiġux imnewba spiss ħafna u kultant jiġu mnewba speċijiet relatati (tadam/bżar), li jwassal għall-iżvilupp ta’ mikroorganiżmi patoġeniċi fil-ħamrija li tant huma aggressivi li jistgħu jeqirdu għalla. Dawn il-problemi tas-saħħa sinifikanti tal-pjanti jheddu s-sopravivenza tal-“Pimiento de Gernika”, għalla li hija tassew parti mill-agrikoltura tal-parti tal-Atlantiku tal-Pajjiż Bask.

Il-mard ewlieni tal-għelejjel li jaffettwa lill-“Pimiento de Gernika” huwa relatat mal-ħamrija, jiġifieri, il-ħamrija (il-materja organika fid-dekompożizzjoni relatata mal-ħamrija) hija l-inokulu ewlieni tagħhom. Il-kawża ta’ dan il-mard relatat mal-ħamrija fiż-żoni klimatiċi tal-Atlantiku tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask primarjament hija jew virali (Potyvirus jew Tobamovirus) jew fungali. Il-fungi tal-ġeneri Fusarium spp. u Phytophthora ssp. huma sors potenzjali ta’ infezzjoni għall-“Pimiento de Gernika”. Skont stħarriġ tal-ħamrija li sar fl-2014, dawn il-fungi huma preżenti f’70 % tal-ħamrija li tintuża biex jitkabbar il-“Pimiento de Gernika”. Dan kien ikkonfermat minn studju li sar fl-2015 dwar ir-reżistenza għall-Tobamovirus fil-bżar ħelu u l-bżar (“Resistencia al Tobamovirus en guindilla y pimiento”) minn Santiago Larregla.

L-istudju mwettaq minn Mireia Núñez-Zofío, Santiago Larregla u Carlos Garbisu, 2011: “Application of organic amendments followed by soil plastic mulching reduces the incidence of Phytophthora capsici in pepper crops under temperate climate”. Crop Protection 30 1563-1572, iddetermina li l-bijodiżinfestazzjoni hija l-uniku mezz ta’ inattivazzjoni tal-inokulu fil-ħamrija li jiġġenera l-mard fungali (oospori ta’ Phytophthora capsici ). Minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi fiż-żona tal-Atlantiku tal-Pajjiż Bask, din il-metodoloġija hija effettiva biss meta tiġi applikata bejn ir-rebbiegħa u s-sajf, li jikkoinċiedu mal-istaġun tat-tkabbir tal-“Pimiento de Gernika”.

Bil-ħsieb li jirrispettaw l-ambjent u l-bijodiversità tiegħu, il-bdiewa li jkabbru l-“Pimiento de Gernika” – u jipproduċu dan il-bżar f’konformità ma’ regoli stretti dwar il-produzzjoni integrata li jillimitaw l-użu tal-pestiċidi – għażlu li jużaw substrati għal din l-għalla bħala alternattiva għall-ħamrija.

Kif urew l-istudji ta’ hawn taħt, is-substrat jippermetti li x-xniexel tal-pjanta jistabbilixxu ruħhom u jaġixxi bħala sostenn inert għall-pjanta, mingħajr ma jinterferixxi mat-teħid ta’ nutrijenti minnha. Is-substrati xierqa għat-tkabbir tal-“Pimiento de Gernika” huma substrati inerti, għalkemm perċentwal żgħir tal-materja organika jista’ jintuża għall-kumpattazzjoni. L-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ komponenti ma jipprovdi xi tip ta’ makronutrijenti jew mikronutrijent li jista’ jiġi assimilat mill-pjanta. Is-substrat huwa primarjament ikkaratterizzat mid-densità baxxa tiegħu, li tippermetti li jgħaddu l-arja u l-ilma mill-istruttura tiegħu.

L-istudji huma kif ġej:

Arriaga, H., Nunez-Zofio, M., Larregla, S., Merino, P. 2011. “Gaseous emissions from soil biodisinfestation by animal manure on a greenhouse pepper crop”. Crop Protection 30: 412-419.

Macia, H., Etxeandia A., Domingo M., Amenabar R. 1997. “Effect of different N/K ratios in nutrient solutions on pepper of Gernika”. Acta Horticulturae 40: 475-478.

Larregla, S. 2003. “Etiología y epidemiología de la ‘Tristeza’ del pimiento en Bizkaia” [L-etjoloġija u l-epidemjoloġija tat-“tristezza” tal-bżar f’Biskaia]. Fil-proċess ta’ eżami. Teżi ta’ dottorat. L-Università tal-Pajjiż Bask. Leioa.

Larregla, S., Guerrero, M.M., Mendarte S., Lacasa, A. 2015. “Biodisinfestation with Organic Amendments for Soil Fatigue and Soil-Borne Pathogens Control in Protected Pepper Crops”. Fi: “Organic Amendments and Soil Suppressiveness in Plant Disease Management”, pp. 437-456.

Nuñez-Zofío, M., Garbisu, C., Larregla, S. 2010. “Application of Organic Amendments Followed by Plastic Mulching for the Control of Phytophthora Root Rot of Pepper in Northern Spain”. Acta Horticulturae 883: 353-360.

Nuñez-Zofío, M., Larregla, S., Garbisu, C. 2012. “Repeated biodisinfection controls the incidence of Phytophthora root and crown rot of pepper while improving soil quality”. Spanish Journal of Agricultural Research 10: 794-805.

http://www.euskobaratza.eus/wp-content/uploads/2015/12/ResistenciaTobamovirus_Jorn_Dic15.pdf

L-istudji ċċitati jindikaw li ma hemm l-ebda differenza bejn il-prodotti miksuba bl-użu tal-metodi tat-tkabbir fil-ħamrija jew tat-tkabbir fis-substrat.

Għaldaqstant, il-possibbiltà tat-tkabbir tal-għalla fis-substrat hija inkluża minħabba li s-substrat jippermetti li jiġu ankrati x-xniexel tal-pjanta, filwaqt li jaġixxi bħala sostenn inert għall-pjanta, mingħajr ma jinterferixxi mat-teħid tan-nutrijenti tal-pjanta. Dan ifisser li l-karatteristiċi tal-“Pimiento de Gernika” ma humiex affettwati.

Il-formulazzjoni attwali, li tgħid hekk:

Il-fertilizzazzjoni għandha tkun kif jixraq bl-iskop li jinżamm bilanċ bejn in-nutrijenti fil-ħamrija u fil-pjanta, u jinżammu l-livelli tagħhom, filwaqt li jitqies ir-rendiment tal-għalla, l-istat ta’ nutrizzjoni tal-pjanta, il-livell ta’ fertilità fil-ħamrija u l-kontributi minn sorsi oħra (ilma, materjal organiku, eċċ.).

hija sostitwita b’dan li ġej:

Il-“Pimiento de Gernika” jista’ jitkabbar kemm fil-ħamrija kif ukoll f’substrat. Il-fertilizzazzjoni għandha tkun kif jixraq bl-iskop li jinżamm bilanċ bejn in-nutrijenti fil-ħamrija u fis-substrat, u jinżammu l-livelli tagħhom.

Kemm il-ħamrija kif ukoll is-substrat iridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-produzzjoni integrata f’kull ħin.

Is-substrat użat għat-tkabbir huwa kkaratterizzat mid-densità baxxa tiegħu (30-150 kg/m3), li tippermetti li jgħaddu l-arja u l-ilma mill-istruttura tiegħu, filwaqt li jaġixxi bħala appoġġ inert għall-pjanta, mingħajr ma jinterferixxi mat-teħid tan-nutrijenti tal-pjanta.

3.

Paragrafu 13:

“Fuq bażi ta’ kuljum” hija sostitwita bi “spiss” peress li din tal-ewwel tista’ tinftiehem li tfisser li l-ħsad irid isir kuljum. Il-ħsad irid isir spiss kemm meħtieġ mill-iżvilupp tal-għelejjel; il-frekwenza tvarja tul iċ-ċiklu tal-produzzjoni.

Barra minn hekk, jista’ jkun hemm perjodi sinifikanti meta l-produzzjoni tilħaq livelli għoljin ħafna. Peress li l-għalla tinqata’ bl-idejn, il-ħsad kultant idum iktar minħabba nuqqas ta’ manodopera, billi l-azjendi fil-biċċa l-kbira huma negozji tal-familja.

Din l-emenda taffettwa t-taqsima 3.5 tad-Dokument Uniku.

Għalhekk, il-formulazzjoni attwali:

Billi l-prodott jinħasad fl-istadju ottimali tal-iżvilupp, dan għandu jsir fuq bażi ta’ kuljum u l-prodott għandu jiġi ppakkjat fl-istess jum. Madankollu, b’mod eċċezzjonali u f’mumenti ta’ livelli għoljin ħafna ta’ produzzjoni, l-ippakkjar jista’ jsir fil-jum ta’ wara.

hija sostitwita b’dan li ġej:

Billi l-prodott jinħasad fl-istadju ottimali tal-iżvilupp, dan għandu jsir spiss u l-prodott għandu jiġi ppakkjat fl-istess jum. Madankollu, b’mod eċċezzjonali u f’mumenti ta’ livelli għoljin ħafna ta’ produzzjoni, l-ippakkjar jista’ jsir fil-jiem ta’ wara.

4.

Paragrafi 14 u 16:

Ir-rekwiżit li l-ippakkjar isir fiż-żona tal-produzzjoni għandu jitneħħa, minħabba li l-ippakkjar ma huwiex stadju fil-produzzjoni bħala tali, u lanqas ma jaffettwa l-assigurazzjoni tal-kwalità u tal-awtentiċità tal-prodott. Ir-rekwiżiti l-oħra tal-ippakkjar, li jistgħu jaffettwaw il-kwalità finali tal-prodott, jinżammu.

Din l-emenda taffettwa t-taqsima 3.5 tad-Dokument Uniku.

Il-paragrafi 14 u 16, riprodotti hawn taħt, li jirreferu għar-rekwiżit li l-ippakkjar isir fiż-żona tal-produzzjoni, huma mħassra.

Paragrafu 14: “Ir-rekwiżit li l-bżar jiġi ppreparat u ppakkjat fiż-żona tal-produzzjoni stess għandu l-għan li jipproteġi r-reputazzjoni tad-denominazzjoni, u b’hekk tiġi ggarantita l-awtentiċità tal-prodott u jinżammu l-kwalità u l-karatteristiċi tiegħu.”

Paragrafu 16: “Barra minn hekk, l-ippakkjar barra ż-żona tal-produzzjoni jikkomplika l-kompiti ta’ kontroll, li jista’ jkollu effett negattiv fuq l-assigurazzjoni tal-kwalità u tal-awtentiċità tal-prodott.”

5.

Paragrafu 19:

Il-ħsad irid isir bl-idejn għax ċerti aspetti tal-kwalità, bħall-iżgurar li l-qoxra ma tkunx ħoxna wisq, jistgħu jitkejlu biss b’mod manwali. Madankollu, l-ippakkjar bil-magni huwa permess peress li l-avvanzi teknoloġiċi għamlu possibbli l-manipulazzjoni bil-galbu tal-prodott, filwaqt li jitħaffef il-proċess.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

Il-formulazzjoni attwali, li tgħid hekk:

L-ippakkjar għandu jsir bl-idejn u dejjem b’ħafna galbu, sabiex jiġu ppreservati l-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott.

hija sostitwita b’dan li ġej:

Il-ħsad għandu jsir bl-idejn u kemm l-issortjar kif ukoll l-ippakkjar għandhom dejjem isiru b’ħafna galbu, sabiex jiġu ppreservati l-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott.

RABTA MAŻ-ŻONA TAL-MADWAR

Dan il-paragrafu kellu jiġi adattat biex jitneħħew ir-referenzi għall-kultivazzjoni fil-ħamrija u taħt għata, li ma jaffettwawx ir-rabta, peress li din hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tal-prodott.

It-Taqsima 5 tad-Dokument Uniku dwar ir-rabta kellha tiġi emendata biex jitneħħa l-kliem “fil-ħamrija” mill-ewwel linja tat-tielet paragrafu tat-taqsima 5.1, mit-tieni parti tar-raba’ paragrafu tat-taqsima 5.1, u mill-għaxar paragrafu tat-taqsima 5.3, għall-istess raġunijiet mogħtija għall-emendar tat-taqsima F tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, jiġifieri biex tiżdied il-kultivazzjoni fis-substrat fit-taqsima “Metodu ta’ produzzjoni” u minħabba li l-ħamrija u s-substrat mhumiex fatturi li jsostnu r-rabta, billi għall-“Pimiento de Gernika”/“Gernikako Piperra” din hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tal-prodott.

It-tieni element li jiġġustifika r-rabta (il-“prattiki tradizzjonali”) inżamm minħabba li l-għarfien tradizzjonali huwa indipendenti mill-użu tas-substrat.

Il-“Pimiento de Gernika”/“Gernikako Piperra” huwa popolari ħafna fost il-konsumaturi fil-Pajjiż Bask peress li huwa għalla li ilha titkabbar fir-reġjun għal sekli sħaħ u ż-żrieragħ u t-tekniki tat-tkabbir tiegħu ġew mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra, biex b’hekk saru parti mill-istorja ta’ Bizkaia. Barra minn hekk, din is-sistema ta’ kultivazzjoni u ħażna taż-żrieragħ mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra wasslet għall-adattament naturali tal-“Pimiento de Gernika” għall-ambjent tiegħu, u pproduċiet varjetajiet b’karatteristiċi ġenetiċi uniċi (Iker u Derio). Tant hu kbir l-impatt ta’ dan il-prodott fuq il-gastronomija tal-Pajjiż Bask li hemm xirka, il-“Cofradía del Gernikako Piperra”, li tagħti kontribut biex tinxtered ir-reputazzjoni ta’ dan il-prodott mill-ambjenti rurali għal dawk urba.

DOKUMENT UNIKU

“PIMIENTO DE GERNIKA”/“GERNIKAKO PIPERRA”

Nru tal-UE: PGI-ES-0673-AM01- 22 ta’ Frar 2016

IĠP (X) DOP ( )

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

“Pimiento de Gernika”/“Gernikako Piperra”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-bżar “Gernikako Piperra”/“Pimiento de Gernika” protett mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta huwa l-frott tal-ispeċi Capsicum annuum L., li tappartjeni għal kultivar lokali tal-varjetà Gernika. Huwa kkummerċjalizzat għall-konsum mill-bniedem fi stat frisk bħala bżar mhux misjur għall-qali. Intgħażlu diversi linji minn dan il-kultivar lokali, u tnejn minnhom iddaħħlu fir-Reġistru tal-Varjetajiet Kummerċjali bl-ismijiet “Derio” u “Iker”. Kwalunkwe linja oħra minn dan il-kultivar lokali li tissodisfa l-karatteristiċi li jiddefinixxu l-varjetà “Pimiento de Gernika” tista’ tiġi protetta wkoll mill-Indikazzjoni Ġeografika.

Il-“Pimiento de Gernika” huwa bżar ħelu mingħajr jew b’kontenut baxx ta’ kapsajċina, jiġifieri fil-kundizzjonijiet ambjentali tal-Pajjiż Bask, il-bżar normalment ma jkollux togħma pikkanti. Għandu laħma fina (ħxuna ta’ 2 sa 3 mm*), u meta maqtugħ minn tulu, għandu forma ta’ triangolu minn medja sa tawwalija li tikkorrispondi għat-tipi C3 u C1 tal-klassifikazzjoni Pochard (1966).

Il-mod ewlieni kif jintuża dan il-bżar huwa li jinqela’ frisk fl-istat mhux misjur. Dan sar l-iktar metodu ta’ konsum popolari. Il-frott jinħasad meta jkun ta’ kulur aħdar uniformi f’kull parti tiegħu u qabel ma jilħaq id-daqs finali tiegħu. Huwa twil bejn 6 u 9 cm, mingħajr iz-zokk, huwa wiesa’ bejn 2 u 3 cm u jiżen* bejn 10 grammi u 12-il gramma. It-tonalità tal-kulur tvajra minn aħdar medju għal aħdar skur. Huwa dejjaq u tawwali. Meta maqtugħ minn tulu, huwa triangolari, u maqtugħ mill-wisa’ l-forma hija bejn ellittika u triangolari b’żewġ jew tliet lobi li huma biss kemxejn imqabbżin. It-tarf huwa ppuntat, u z-zokk sħiħ, irqiq u twil. X’aktarx il-parti ta’ fejn jaqbad iz-zokk tkun ta’ forma ċatta jew konvessa. Il-qoxra hija rqiqa u mhix raffa jew rimarkabbli għal min jikolha. Il-bżar huwa lixx u b’dehra friska. Fih żrieragħ lewn il-perli li ma humiex kompletament iffurmati.

Il-varjetà “Gernika” hija magħrufa wkoll bħala l-bżar “pimiento choricero” u “pimiento de Bizkaia”.

Il-maġġor parti tal-produzzjoni tiegħu tiġi kkunsmata friska, qabel ma jilħaq il-piż finali tiegħu.

(*

Il-karatteristiċi tal-bżar fi stat misjur)

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-bżar għandu jiġi prodott fiż-żona ġeografika.

It-tħawwil isir jew fil-miftuħ jew taħt għata. Huwa prodott bl-użu tat-tekniki l-iktar xierqa għall-iżvilupp perfett u t-tkabbir tal-frott. Ma jistgħux jintużaw prodotti jew sistemi li jistgħu jaffettwaw ħażin il-kwalità tal-prodott.

It-tħawwil fil-miftuħ għandu jsir bejn April u Mejju u t-tħawwil fis-serer jew fil-mini serer tal-plastik għandu jsir qabel, fi Frar, f’Marzu u f’April; huwa permess li jsir ċiklu tat-tħawwil ieħor minn Ġunju. Il-bżar għandu jinħasad minn Ġunju fl-ewwel każ u minn nofs April fit-tieni każ. Il-ħsad tal-għalla jsir l-iktar bejn April u Novembru. Id-densità għandha tkun sa 4 pjanti għal kull metru kwadru.

Kwalunkwe trattament irid ikun minimu u meħtieġ. Għandhom jintużaw trattamenti u tekniki għall-kontroll tal-pesti bijoloġiċi kull fejn ikun possibbli.

Il-ħsad għandu jsir manwalment u fi stadji, b’kemm passi meħtieġa. Il-qtugħ għandu jsir meta l-prodott ikun laħaq l-aħjar stadju tal-iżvilupp tiegħu, u għandu jsir b’attenzjoni sabiex ma ssirx ħsara lill-frotta u b’hekk jiġu ggarantiti l-karatteristiċi fiżiċi tiegħu.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-prodott jinħasad fl-istadju ottimali tal-iżvilupp, għalhekk dan isir spiss u l-prodott jiġi ppakkjat fl-istess jum. B’mod eċċezzjonali u f’mumenti ta’ livelli għoljin ħafna ta’ produzzjoni, l-ippakkjar jista’ jsir fil-jiem ta’ wara.

Huwa prodott frisk b’ħajja fuq l-ixkaffa qasira. Ma huwiex rakkomandat li l-prodott jinżamm fil-friġġ jew li jiġi ttrasportat jew jinżamm fit-tul bla bżonn minħabba li dan jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-kwalità tal-prodott.

Minħabba l-karatteristiċi speċjali tiegħu (mibjugħ frisk, b’qoxra u laħma rqaq, mhux misjur) il-bżar huwa sensittiv ħafna għal bidliet f’daqqa fit-temperatura jew fl-umdità u jeqdiem malajr. Kull manipulazzjoni jew trasport li jmur lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġi ppreparat għall-konsumatur jista’ jnaqqas il-kwalità tal-prodott.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar li għalih jirreferi l-isem irreġistrat

Minbarra l-informazzjoni ġeneralment meħtieġa mil-liġi, it-tikkettar użat għall-bżar kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Pimiento de Gernika”/“Gernikako Piperra” jrid jinkludi l-kliem “Pimiento de Gernika”/“Gernikako Piperra” u l-logo tagħha.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tinkludi l-provinċji ta’ Gipuzkoa u Bizkaia u ż-żoni ta’ Alava li ġejjin: iż-żona Cantábrica Alavesa, li tinkludi fiha l-muniċipalitajiet ta’ Ayala, Okondo, Llodio, Amurrio u Artziniega u ż-żona ta’ Estribaciones del Gorbea, li tinkludi l-muniċipalitajiet ta’ Urkabustaiz, Zuya, Zigoitia, Legutiano u Aramaio.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika xierqa għall-produzzjoni ta’ dan il-bżar hija limitata għar-reġjun mal-kosta tal-Atlantiku tal-Pajjiż Bask, li għandu klima meżotermika kkaratterizzata minn temperaturi moderati u ammont abbundanti ta’ xita. Ma hemmx xahar wieħed ta’ nixfa u tagħmel l-iżjed xita fil-ħarifa u fix-xitwa. Din hija l-klima tipika tal-Atlantiku fejn il-kurrenti tal-baħar mill-Punent u mill-Lvant jirriżultaw fi klima ħafna inqas kiesħa, (it-temperatura medja annwali hija ta’ 13 °C u l-varjazzjoni termika hija ta’ 11 °C) u iktar umda iktar milli jmissha jekk jitqies biss il-kriterju tal-latitudni.

L-ogħla umdità relattiva fl-ambjent tkun ta’ bejn 60 u 75 %. Umdità iktar baxxa fl-ambjent akkumpanjata minn perjodi ta’ żieda fit-temperatura u x-xemx tista’ twassal għal problemi fiżjoloġiċi, li jnaqqsu l-kwalità kummerċjabbli tal-frott. Eżempju wieħed huwa qoxra ħoxna wisq (li tnaqqas il-valur tiegħu għall-użu prinċipali tiegħu bħala bżar għall-qali).

Jekk flimkien ma’ dawn il-kundizzjonijiet ambjentali, ikun hemm ukoll nuqqas ta’ ilma u evapotraspirazzjoni għolja, jista’ jkun li jkun hemm tibdil fiżjoloġiku ieħor li jnaqqas il-kwalità tal-frott bħalma huwa t-taħsir tat-tarf tan-nwara u/jew id-dehra ta’ xi bżar iktar pikkanti minħabba żieda fil-kontenut tal-kapsajċina.

Il-klima tal-Pajjiż Bask tissodisfa l-ħtiġijiet agroklimatiċi tal-bżar perfettament. Ir-reġjun mal-kosta tal-Atlantiku tal-Pajjiż Bask toffri lill-bżar it-temperatura meħtieġa li hija dik moderata u mhux sħuna żżejjed; u ċ-ċertezza li ma jkunx hemm ġlata.

Il-kundizzjonijiet agroklimatiċi taż-żona ġeografika ddefinita jagħtu karatteristiċi partikolari lill-kwalità ta’ dan il-bżar, liema karatteristiċi tawh fama u prestiġju u fl-istess ħin jevitawlu jew inaqqsu d-difetti li jnaqqsu l-valur tiegħu, bħas-sħana, qoxra ħoxna wisq jew taħsir tan-nwara.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-“Pimiento de Gernika”/“Gernikako Piperra” huwa kultivar lokali li adatta ruħu perfettament għall-kundizzjonijiet agroklimatiċi tar-reġjun mal-kosta tal-Atlantiku tal-Pajjiż Bask.

Il-kundizzjonijet agroklimatiċi taż-żona tal-produzzjoni jagħtu lil dan il-bżar il-karatteristiċi partikolari tiegħu bħalma huma n-nuqqas tas-sħana u l-laħma delikata tiegħu li tawh fama u prestiġju.

Dan it-tip ta’ bżar huwa eżiġenti ħafna f’termini ta’ temperatura. Temperaturi taħt il-15 °C inaqqsu r-ritmu tat-tkabbir tiegħu, li jieqaf għalkollox f’inqas minn 10 °C. Temperaturi ogħla minn 35 °C jistgħu jwasslu biex jaqgħu n-nwara u l-frott iffurmat ġdid. L-iżvilupp veġetali u tal-frott ikun fl-aħjar tiegħu f’temperaturi ta’ 25/18 oC binhar/billejl. Temperatura ta’ 1oC tikkawża ħsara tal-ġlata. Sabiex il-pjanta tiżviluppa, trid tkun f’ħamrija b’temperatura ta’ iktar minn 12 oC, u sabiex l-iżvilupp tal-għalla jkun tajjeb, it-temperatura ambjentali medja ta’ kuljum għandha tilħaq l-20 oC b’varjazzjonijiet ħfief biss bejn il-jum u l-lejl.

Barra minn hekk, id-daqs huwa karatteristika partikolari oħra tiegħu, peress li l-ħsad bikri tal-bżar jiżgura li l-laħma tiegħu tkun delikata, li l-qoxra ma tkunx rimarkabbli għal min jikolha, u li jkollu togħma pjaċevoli.

Dan il-bżar huwa magħruf għat-togħma straordinarja u l-kwalità tajba ħafna tiegħu u ġeneralment jittiekel moqli bħala ikla ħafifa, kontorn jew bħala l-ewwel platt. Huwa wieħed mill-oġġetti l-aktar tipiċi fil-kċina Baska.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DOP) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

Ir-rabta bejn iż-żona ġeografika ddefinita u “Pimiento de Gernika”/“Gernikako Piperra” hija bbażata fuq ir-reputazzjoni u l-prattiki tat-tkabbir applikati sa minn ħafna żmien ilu, li jintwera minn aspetti bħall-popolarità kbira li għandu l-prodott fost il-konsumaturi tal-Pajjiż Bask u l-valur tas-suq tiegħu.

Il-“Pimiento de Gernika”/“Gernikako Piperra” huwa wieħed mill-eqdem kultivazzjonijiet magħrufa fil-Pajjiż Bask, u ż-żerriegħa u s-sigrieti tat-tkabbir tiegħu għaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra għal sekli sħaħ u b’hekk saru jagħmlu parti mill-istorja ta’ Bizkaia.

Kritiki tal-ikel ta’ fama tajba mill-Pajjiż Bask u mill-bqija ta’ Spanja (Llona Larrauri, Busca Isusi, J.L. Iturrieta, J.J. Lapitz, José Castillo, Marquesa de Parebere jew Ignacio Domenech) faħħru dan il-prodott fl-artikli tagħhom jew inkludewh fi wħud mir-riċetti tagħhom. Saħansitra l-kokijiet ta’ fama dinjija mill-Pajjiż Bask, Arguiñano jew Subijana użaw dan il-prodott fir-riċetti tagħhom.

Fl-1998 twaqqfet il-“Cofradía del Gernikako Piperra” bil-għan uniku tas-sensibilizzazzjoni dwar il-“Pimiento de Gernika”/“Gernikako Piperra”. Din l-għaqda torganizza diversi attivitajiet promozzjonali għall-“Pimiento de Gernika”, fosthom, b’mod partikolari, sessjonijiet ta’ dewqan fis-suq tradizzjonali ta’ Gernika. L-isem tal-bżar jiġi minn din il-belt żgħira għax tradizzjonalment kienet iż-żona fejn kien jitkabbar l-aktar. Is-suq famuż tal-frott u l-ħaxix fejn il-bżar huwa wieħed mill-attrazzjonijiet ewlenin jittella’ hemmhekk kull nhar ta’ Tnejn.

“L-aħħar Tnejn ta’ Gernika” hija l-akbar fiera agrikola fil-Pajjiż Bask. Tattira iktar minn 100 000 viżitatur u ssir fl-aħħar Tnejn ta’ Ottubru. Sa mill-1366 kien hemm diġà referenzi dwar din il-fiera ta’ Gernika fil-Karta tat-Twaqqif tal-Belt.

Il-fama ta’ dan il-prodott kienet ikkonfermata wkoll minn studju li twettaq mill-kumpanija tar-riċerka tas-suq IKERFEL dwar prodotti ta’ kwalità magħrufa, u li saret permezz ta’ metodoloġija kwantitattiva bbażata fuq 900 intervista personali li saru bejn is-16 u t-30 ta’ Lulju 2009 ma’ dawk responsabbli mix-xiri għad-dar fost ir-residenti tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask. Skont dan l-istudju, l-isem “Pimiento de Gernika”/“Gernikako Piperra” igawdi minn livell ta’ fama (spontanja u suġġerita) li jilħaq it-83 % tal-popolazzjoni tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask.

Kif diġà intqal, minbarra r-reputazzjoni u l-prattiki tat-tkabbir, il-klima taż-żona ġeografika ddefinita hija fundamentali wkoll sabiex tiġi żgurata l-kwalità u l-ispeċifiċità ta’ dan il-prodott.

Il-klima taż-żona ġeografika tikkombina kemm it-temperaturi u kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-umdità li l-kultivazzjonijiet ta’ dan it-tip ta’ bżar jeħtieġu sabiex il-veġetazzjoni u r-riproduzzjoni jiżviluppaw b’mod korrett.

Meta dan il-bżar ġie kkultivat f’żoni oħrajn fin-Nofsinhar ta’ Spanja, fejn il-klima hija iktar sħuna u fi żminijiet fejn it-temperaturi jkunu għoljin u l-umdità tkun baxxa, il-kwalità kummerċjali tal-frott naqset minħabba li l-prodott kien jippreżenta porzjon ikbar ta’ frott affettwat mill-problemi fiżjoloġiċi deskritti hawn fuq (qoxra ħoxna wisq, taħsir tan-nwara u/jew bżar jaħraq aktar).

Il-kultivar lokali huwa r-riżultat dirett tal-għarfien u tal-ħila tal-agrikolturi taż-żona. Jirrifletti r-rabta mal-ambjent u huwa partikolarment adattat għall-kundizzjonijiet tal-klima eżistenti fiż-żona. Għal perjodu ta’ żmien twil, il-bniedem kien kapaċi jikkonserva u jkabbar b’suċċess il-varjetà “Pimiento de Gernika” u jżomm l-użu kummerċjali partikolari li jsir minnu. Dan ippermetta li tiġi kkonservata l-oriġinalità ta’ dan it-tip ta’ bżar. Il-“Pimiento de Gernika” huwa partikolari minħabba l-fatt li huwa adattat perfettament għaż-żona tal-produzzjoni.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

http://www.nasdap.ejgv.euskadi.eus/r50-4633/es/contenidos/informacion/dop_pimiento/es_agripes/dop_pimiento.html


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.