ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 27

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 65
19ta' Jannar 2022


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 27/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.10552 — BROOKFIELD / ACEK / BENJUMEA FAMILY / POWEN) ( 1 )

1

2022/C 27/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ Nru M.9546 — Gategroup/LSG European Business) ( 1 )

2

2022/C 27/03

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.10314 — VINCI / ENERGIA Y SERVICIOS DINSA II) ( 1 )

3


 

III   Atti preparatorji

 

IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

2022/C 27/04

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta’ Novembru 2021 dwar proposta għal regolament dwar il-bonds ekoloġiċi Ewropej (CON/2021/30)

4


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

il–Kunsill

2022/C 27/05

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2021 li taħtar il-President tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti

14

2022/C 27/06

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2021 li taħtar is-supplenti għall-President tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet ta’ Pjanti

16

 

Il-Qorti tal-Awdituri

2022/C 27/07

Rapport Speċjali Nru 2/2022 — Effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi: Iffrankar tal-enerġija iżda hemm dgħufijiet fl-ippjanar u fl-għażla tal-proġetti

17


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

19.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.10552 — BROOKFIELD / ACEK / BENJUMEA FAMILY / POWEN)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 27/01)

Fit 13 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tas-sit web tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Dan is-sit web jipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fis-sit web EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32022M10552. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


19.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/2


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ Nru M.9546 — Gategroup/LSG European Business)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 27/02)

Fi 3 ta’ April 2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) flimkien mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32020M9546. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


19.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/3


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.10314 — VINCI / ENERGIA Y SERVICIOS DINSA II)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 27/03)

Fit 25 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tas-sit web tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Dan is-sit web jipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fis-sit web EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32021M10314. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


III Atti preparatorji

IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

19.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/4


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta’ Novembru 2021

dwar proposta għal regolament dwar il-bonds ekoloġiċi Ewropej

(CON/2021/30)

(2022/C 27/04)

Introduzzjoni u bażi legali

Fl-14 ta’ Ottubru 2021, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bonds ekoloġiċi Ewropej (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaqgħu fost l-oqsma ta’ kompetenza tal-BĊE, inkluż, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-politika monetarja skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2), u l-Artikolu 282(1) tat-Trattat, is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat u l-kontribuzzjoni għat-tmexxija bla xkiel ta’ politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja skont l-Artikolu 127(5) tat-Trattat. F’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1

Il-BĊE jilqa’ r-regolament propost. Il-kisba tal-objettivi stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fil-Ftehim ta’ Pariġi u stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (2) teħtieġ investiment sinifikanti, li parti sostanzjali minnu se jkollha tiġi mis-settur privat (3). Il-finanzjament sostenibbli jista’ jkollu rwol importanti f’dan ir-rigward billi jippermetti lill-investituri jidentifikaw investimenti ambjentalment sostenibbli u jaġġustaw il-portafolji tagħhom skont il-preferenzi ta’ sostenibbiltà tagħhom stess. Fost il-prodotti ta’ finanzjament sostenibbli, il-bonds ekoloġiċi jirrappreżentaw segment viżibbli ħafna u li qed jikber b’mod rapidu: aktar tkabbir fis-suq għal bonds ekoloġiċi bi trasparenza għolja għandu potenzjal sinifikanti biex jgħin biex jimtela d-distakk fl-investiment sostenibbli u biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem akbar ta’ investituri ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG). Għal dan il-għan, qafas pubbliku ċar u affidabbli għall-bonds ekoloġiċi huwa apprezzat.

1.2

Fil-kuntest ġenerali tal-objettivi ambjentali tal-Unjoni, f’każ li fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri jiġu adottati politiki pubbliċi li jiffavorixxu bonds ekoloġiċi u dejn ieħor ibbażat fuq is-sostenibbiltà minflok tipi oħra ta’ ħruġ ta’ dejn, dawn ikunu jeħtieġu wkoll standard għall-bonds ekoloġiċi Ewropej (EuGB) li jkunu jistgħu jirreferu għalih.

1.3

L-eżistenza ta’ standard għall-EuGB se tinċentiva l-ħolqien ta’ assi u proġetti sostenibbli sottostanti konsistenti mal-objettivi ambjentali tal-Unjoni, b’mod partikolari l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għat-tibdil fil-klima, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament dwar it-Tassonomija”) (5). Minn din il-perspettiva, ir-rabta tal-EuGB mar-Regolament dwar it-Tassonomija hija pass importanti biex jiġi żgurat li l-attivitajiet ambjentalment sostenibbli jiksbu l-aċċess meħtieġ għall-finanzjament permezz ta’ strumenti ta’ dejn. L-iffaċilitar tal-finanzjament ta’ attivitajiet li jagħtu kontribut sostanzjali għall-objettivi ambjentali definiti fir-Regolament dwar it-Tassonomija jista’ jappoġġa l-evoluzzjoni tal-ekonomija tal-Unjoni lejn il-kisba tal-objettivi ambjentali tal-Unjoni.

1.4

Il-BĊE jappoġġa l-għan tar-regolament propost li jiġi stabbilit qafas armonizzat għall-EuGBs, peress li dan iżid l-assigurazzjoni li tali bonds ekoloġiċi ġenwinament jgħinu biex jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika, itejbu d-disponibbiltà u t-trasparenza tad-data, u jtejbu l-komparabbiltà, l-affidabbiltà u, min-naħa l-oħra, l-ipprezzar effiċjenti tal-bonds ekoloġiċi. Is-suq tal-bonds ekoloġiċi bħalissa qed ibati minn diversi nuqqasijiet. B’mod partikolari, l-istandards eżistenti tal-industrija għat-tikketti ta’ bonds ekoloġiċi jiddependu fuq definizzjonijiet ta’ proġetti ekoloġiċi sottostanti li ma humiex standardizzati, rigorużi jew komprensivi biżżejjed (6). Dan in-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli, komparabbli u vverifikata dwar is-sostenibbiltà jdgħajjef il-kredibbiltà tas-suq tal-bonds ekoloġiċi u potenzjalment il-kapaċità tiegħu li jrawwem it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika, u b’hekk inaqqas id-domanda minħabba tħassib dwar l-greenwashing u riskji possibbli għar-reputazzjoni għall-emittenti u għall-investituri (7). Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ qafas ta’ referenza komuni u mudelli ta’ rapportar iżid il-kostijiet tat-tranżazzjoni tal-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi, u jnaqqas l-attraenza ekonomika ta’ dawn l-istrumenti fir-rigward tal-għodod ta’ finanzjament konvenzjonali (8). Dawn ir-restrizzjonijiet strutturali kollha jikkontribwixxu biex jillimitaw id-daqs u, min-naħa l-oħra, il-likwidità ta’ dan is-segment tas-suq.

1.5

L-eżistenza ta’ rekwiżiti oġġettivament verifikabbli u trasparenti għall-kwalifika bħala EuGB tgħin biex tissaħħaħ il-kredibbiltà ta’ din il-klassi ta’ assi, jitnaqqsu r-riskji għar-reputazzjoni għall-emittenti u għall-investituri kif ukoll l-assimetriji fl-informazzjoni, u jiġi limitat il-greenwashing (9). Kif ġie osservat fis-swieq, l-investituri jippremjaw il-bonds ekoloġiċi li l-emittenti tagħhom ikollhom reputazzjoni aqwa u li jkunu soġġetti għal verifiki minn partijiet terzi b’firxiet aktar stretti (10). Il-ħruġ ta’ EuGBs b’livell għoli ta’ trasparenza jista’ jwassal għal għarfien aħjar dwar l-importanza tal-objettivi ambjentali għall-parteċipanti fis-suq u għall-emittenti, u b’hekk tittejjeb il-kapaċità tal-atturi finanzjarji kollha, inkluż il-BĊE, li jidentifikaw u jevalwaw b’mod affidabbli bonds ambjentalment sostenibbli (11). Dan huwa mistenni li jappoġġa t-tkabbir ulterjuri ta’ dan is-segment tas-suq u jipprovdi fiduċja akbar li l-bonds ekoloġiċi jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali tal-Unjoni billi jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Fl-aħħar nett, billi jsaħħaħ il-kredenzjali ekoloġiċi u l-affidabbiltà tal-EuGBs, ir-regolament propost jipprovdi salvagwardji aktar b’saħħithom kontra r-rivalwazzjonijiet għal għarrieda ta’ bonds ekoloġiċi wara każijiet individwali ta’ greenwashing. Dan irawwem funzjonament ordnat tas-suq u stabbiltà finanzjarja.

1.6

Ir-regolament propost huwa pass importanti fl-iżvilupp ta’ suq tal-kapital ekoloġiku tal-Unjoni integrat, profond u likwidu li jmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, li jikkontribwixxi għall-avvanz tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (12). Madwar 60 % tal-bonds privileġġati mhux garantiti ekoloġiċi kollha maħruġa globalment fl-2020 oriġinaw fl-Unjoni (13). L-iżvilupp ulterjuri tas-suq tal-bonds ekoloġiċi jista’ japprofondixxi l-integrazzjoni finanzjarja tal-Unjoni (14), u Unjoni tas-Swieq Kapitali ekoloġiċi tkompli ssaħħaħ ir-rwol tal-Unjoni fis-swieq kapitali ekoloġiċi globali. Il-bini ta’ swieq kapitali ekoloġiċi maturi u integrati tal-Unjoni se jirrikjedi wkoll sforzi aktar estensivi biex jissaħħu s-swieq kapitali, inkluża armonizzazzjoni akbar tas-superviżjoni, tar-regoli dwar l-insolvenza, u l-protezzjoni tal-investituri. F’dan ir-rigward, il-BĊE jilqa’ l-fatt li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) se jkollha l-kompitu li tissorvelja r-rieżaminaturi esterni tal-EuGBs fil-livell tal-Unjoni (15). Il-konsolidazzjoni tar-rwol tal-Unjoni bħala ċentru globali għall-finanzjament ekoloġiku kif ukoll l-integrazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tas-swieq kapitali tal-Unjoni jgħinu biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro (16).

1.7

L-istandard għall-EuGBs għandu jipprovdi parametru referenzjarju għal konverġenza ’l fuq fil-livell internazzjonali, bl-għan li jittejjeb il-kontribut ta’ bonds ekoloġiċi biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li fl-istess ħin titrawwem it-tmexxija tal-Unjoni fil-finanzjament ekoloġiku. Dan għandu jimmira għal aċċettazzjoni wiesgħa mis-suq, inkluż minn residenti mhux tal-Unjoni, minħabba l-istrettezza tas-salvagwardji tiegħu u l-kredibbiltà tiegħu fir-rigward tal-greenwashing, sabiex isir parametru referenzjarju globali li jista’ jiġi imitat f’ġuriżdizzjonijiet oħra. L-attraenza tal-istandard għall-EuGBs meta mqabbel mal-istandards tas-suq u/jew mat-tikketti statutorji tal-bonds ekoloġiċi ta’ ġuriżdizzjonijiet oħra għandha tiġi vvalutata bir-reqqa u mmonitorjata maż-żmien. Għalkemm it-trasparenza u l-kredibbiltà msaħħa li jinkisbu jiġġustifikaw rekwiżiti li huma aktar stretti minn standards alternattivi, huwa importanti li l-istabbiliment tal-EuGBs jevita d-devjazzjoni tal-emittenti lejn ġuriżdizzjonijiet li jħaddnu rekwiżiti inqas stretti, u b’hekk jinħolqu opportunitajiet għal arbitraġġ regolatorju internazzjonali (17). Fin-nuqqas ta’ koordinazzjoni globali, dan jista’ eventwalment inaqqas l-istandards ambjentali ta’ prodotti finanzjarji sostenibbli fil-livell globali. Il-kooperazzjoni internazzjonali effettiva, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Finanzi Sostenibbli tal-G20 u l-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzi Sostenibbli, se tkun essenzjali biex tiġi żgurata l-koerenza internazzjonali tal-istandards għal bonds ekoloġiċi u jiġi evitat ir-riskju ta’ tlielaq kompetittivi ’l isfel, li jista’ jaggrava r-riskju ta’ greenwashing u globalment jimmina l-impatt ambjentali pożittiv tal-bonds ekoloġiċi.

1.8

Bħala parti mill-ħruġ ta’ bonds NextGenerationEU (NGEU), il-Kummissjoni Ewropea se toħroġ sa EUR 250 biljun f’bonds ekoloġiċi, li se jammontaw sa 30 % tal-ħruġ totali. Minħabba li r-regolament propost għadu ma huwiex fis-seħħ, il-BĊE jinnota li dawn il-bonds ekoloġiċi se jinħarġu taħt qafas ta’ bonds ekoloġiċi bbażat fuq standard eżistenti tas-suq (18). Il-BĊE jilqa’ b’sodisfazzjon li l-qafas tal-bonds ekoloġiċi tal-NGEU madankollu ġie allinjat, sa fejn kien fattibbli, mal-istandard propost għall-EuGBs, filwaqt li jinnota li l-pekuljaritajiet legali u istituzzjonali tal-NGEUs jimplikaw li l-kapaċità tal-emittent li jipprovdi rapportar granulari tal-investimenti sottostanti fl-aħħar mill-aħħar se tiddependi fuq l-akkuratezza, il-kompletezza u l-granularità tad-data trażmessa mill-Istati Membri. Biex tiġi ssalvagwardjata l-kredibbiltà tal-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi tal-NGEU, il-BĊE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrapportaw informazzjoni akkurata u dettaljata dwar il-progress u l-impatt tal-proġetti ta’ investiment li jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali u jħeġġiġhom jiżguraw li l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” (19) jiġi rrispettat matul il-fażi ta’ implimentazzjoni tal-pjanijiet tagħhom ta’ rkupru u reżiljenza (20). Barra minn hekk, il-BĊE jħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib u tiżgura li r-rikavati mill-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi tal-NGEU jintużaw b’mod effettiv biex jiffinanzjaw l-infiq eliġibbli u biex jipproduċu rapport tal-impatt dettaljat u akkurat.

2.   Ir-rilevanza tar-regolament propost għall-għanijiet u l-kompiti tal-BĊE u tal-Eurosistema

2.1

Ir-regolament propost jista’ jkollu impatt fuq il-mod li bih il-banek ċentrali jwettqu l-mandati tagħhom, kif stabbilit hawn taħt.

2.2

Fir-rigward tal-politika monetarja tagħha, l-Eurosistema diġà xtrat bonds ekoloġiċi taħt il-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (CSPP), il-programm ta’ xiri ta’ titoli garantiti b’assi (ABSPP), u l-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku (PSPP) (21). Barra minn hekk, il-BĊE jaċċetta bonds ekoloġiċi bħala kollateral f’operazzjonijiet ta’ kreditu. Definizzjoni armonizzata ta’ bonds ekoloġiċi ttejjeb it-trasparenza u trawwem il-provvista ta’ strumenti ta’ dejn ekoloġiku.

2.3

Fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja, in-nuqqas attwali ta’ definizzjoni komuni u qafas standardizzat għall-bonds ekoloġiċi xekklu l-analiżi tal-prestazzjoni finanzjarja tagħhom u l-impatt fuq is-sostenibbiltà fit-tul. Dan, min-naħa tiegħu, jipprevjeni l-valutazzjoni tal-potenzjal tagħhom li jindirizzaw ir-riskji relatati mal-klima għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (22). B’mod aktar ġenerali, huma biss is-swieq funzjonali li jistgħu jgħinu jiffinanzjaw b’mod effettiv it-tranżizzjoni u jnaqqsu r-riskji relatati mal-klima għall-istabbiltà finanzjarja. F’dan il-kuntest, il-proliferazzjoni ta’ standards differenti tal-industrija tista’ twassal għal effett ta’ preċipizju fis-suq li jinvolvi pprezzar mill-ġdid sinifikanti ta’ bonds ekoloġiċi meta l-investituri jipperċepixxu li ċerti bonds ekoloġiċi huma ta’ kwalità mhux sodisfaċenti. Din il-kaskata tal-ipprezzar mill-ġdid tista’ taffettwa l-bonds ekoloġiċi ġenwini jekk il-fiduċja tal-investituri tiġi mminata. L-istandard għall-EuGBs għandu l-potenzjal li jippermetti lis-suq jopera b’mod aktar effettiv, itejjeb l-ipprezzar tar-riskji finanzjarji u tal-assi sostenibbli, u li jtejjeb il-fiduċja tal-investituri f’din il-klassi ta’ assi.

2.4

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma atturi ewlenin fis-suq tal-bonds ekoloġiċi, kemm bħala emittenti kif ukoll bħala investituri. L-istandard għall-EuGBs huwa għalhekk rilevanti mill-perspettiva tas-superviżjoni prudenzjali, peress li jista’ jaffettwa l-mudelli tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-prattiki ta’ divulgazzjoni tagħhom u r-riskju tas-suq, kif ukoll ir-riskji operazzjonali u għar-reputazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Minn perspettiva ta’ mudell tan-negozju, standard uniformi jista’ jiffaċilita l-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi minn istituzzjonijiet ta’ kreditu li jistgħu jappoġġaw lill-banek fit-tmexxija tas-self tagħhom lejn attivitajiet ambjentalment sostenibbli u li għandhom impatt pożittiv fuq il-proporzjon ta’ assi ekoloġiċi fil-portafolji tagħhom. Barra minn hekk, fl-isfond ta’ rekwiżiti dejjem aktar stretti ta’ trasparenza u divulgazzjoni, inkluż id-divulgazzjonijiet li ġejjin ta’ proporzjon ta’ assi ekoloġiċi (23) u rekwiżiti għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jiddivulgaw l-allinjament tal-portafoll tas-self tagħhom mal-Ftehim ta’ Pariġi (24), l-EuGBs jikkostitwixxu għodda importanti biex jappoġġaw lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti l-ġodda. Barra minn hekk, kif ġie nnotat fil-paragrafu 2.3 hawn fuq, l-adozzjoni wiesgħa tal-EuGBs għandha l-potenzjal li ttaffi r-riskji possibbli tas-suq li jistgħu jirriżultaw minn rivalutazzjoni f’daqqa tal-kwalità tal-bonds ekoloġiċi eżistenti. Fl-aħħar nett, l-iskopertura potenzjali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu għal sanzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti (25) għan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-regolament propost meta toħroġ EuGB tippreżenta riskju addizzjonali operazzjonali u għar-reputazzjoni, li jeħtieġ li jitqies bħala parti mill-attivitajiet superviżorji li jaffettwaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

2.5

Fl-aħħar nett, il-BĊE juża parti mill-portafoll ta’ fondi proprji tiegħu biex jinvesti f’bonds ekoloġiċi u qed jippjana li jżid is-sehem ta’ bonds ekoloġiċi f’dan il-portafoll matul is-snin li ġejjin (26).

3.   Osservazzjonijiet speċifiċi

3.1   In-natura volontarja u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament propost

3.1.1

Skont ir-regolament propost, l-użu tal-istandard għall-EuGBs ikun volontarju (27), li jagħti lill-emittenti l-possibbiltà li jkomplu jużaw l-istandards eżistenti tal-industrija għall-bonds ekoloġiċi. Il-BĊE jqis li dan l-approċċ huwa bilanċjat fuq perjodu ta’ żmien qasir, peress li bidla immedjata għal standard strettament obbligatorju tista’ twassal għal żvestiment minn bonds ekoloġiċi mhux allinjati mat-tassonomija u tnaqqis f’daqqa fil-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi bbażati fl-Unjoni (28).

3.1.2

Fl-istess ħin, sabiex ikun hemm suq tal-bonds ekoloġiċi tal-Unjoni li jkun konsistenti mat-tassonomija tal-Unjoni, u biex jittaffa t-tħassib dwar il-greenwashing, il-BĊE jqis li huwa importanti li l-EuGB isir l-istandard primarju tal-bonds ekoloġiċi fl-Unjoni. Għalhekk, huwa meqjus li jeħtieġ impenn ċar biex l-istandard isir obbligatorju għal bonds ekoloġiċi maħruġa ġodda f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, filwaqt li bonds ekoloġiċi pendenti jżommu l-isem tagħhom bħala bonds ekoloġiċi għal perjodu ta’ żmien itwal (29). Li l-istandard isir obbligatorju joħloq ċertezza għas-swieq u jista’ jinċentiva wkoll lill-emittenti biex japplikaw l-istandard għall-EuGBs qabel ma jsir obbligatorju. Espansjoni kkalibrata sew tat-tassonomija għall-finanzjament tat-tranżizzjoni tiffaċilita l-progressjoni lejn standard obbligatorju billi tnaqqas ir-riskju ta’ effetti negattivi fuq l-investimenti ekoloġiċi li jagħtu kontribut ambjentali pożittiv iżda li ma jaqgħux taħt il-limiti ta’ kontribuzzjoni sostanzjali tat-tassonomija.

3.1.3

Madankollu, il-BĊE jirrikonoxxi li l-istabbiliment ta’ perjodu ta’ żmien konkret biex l-istandard isir obbligatorju ma huwiex neċessarjament sempliċi. Ir-riskju ta’ kwalunkwe żvestiment ta’ bonds ekoloġiċi eżistenti u t-tfixkil u l-volatilità tas-suq li potenzjalment jirriżultaw jeħtieġ li jiġu bbilanċjati mal-ħtieġa li tittieħed azzjoni rapida biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż permezz tas-suq tal-bonds. Għal din ir-raġuni, biex jiġu evitati konsegwenzi mhux intenzjonati għall-flussi tal-investimenti ekoloġiċi tal-Unjoni u biex jiġi evitat ir-riskju li l-emittenti ta’ bonds ekoloġiċi jiġu ddevjati lejn ġuriżdizzjonijiet b’rekwiżiti inqas stretti, it-tfassil ta’ standard obbligatorju għandu jkun soġġett għal valutazzjoni tal-impatt, u għandu jsir irfinar xieraq tal-qafas. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-istandard għall-EuGBs bil-ħsieb li tivvaluta din il-kwistjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar perjodu ta’ żmien fattibbli biex l-istandard għall-EuGBs isir obbligatorju u dwar il-prattikalitajiet ta’ approċċ bħal dan, pereżempju, it-tipi eżatti ta’ bonds sostenibbli li jaqgħu taħt dan l-istandard. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat il-bejgħ, jista’ jkun utli li jiġi ċċarat kif l-investituri għandhom jittrattaw bonds ekoloġiċi maħruġa skont standards volontarji bbażati fuq is-suq wara l-introduzzjoni tal-istandard obbligatorju. Il-Kummissjoni għandha twettaq ir-rieżami tagħha wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet li bħalissa joħorġu standards ibbażati fuq is-suq għal bonds sostenibbli (30). Fl-aħħar mill-aħħar, l-istandard għall-EuGBs għandu jsir obbligatorju għal bonds ekoloġiċi maħruġa ġodda f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, eż. fi tliet snin sa ħames snin, bil-perjodu ta’ tranżizzjoni eżatt ikun magħruf mill-eżitu tal-valutazzjoni tal-impatt imsemmija hawn fuq.

3.1.4

Sadanittant, għandha tiġi mħeġġa l-adozzjoni volontarja tal-istandard għall-EuGBs fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali minn politiki pubbliċi li potenzjalment jiffavorixxu bonds li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-EuGB. Tabilħaqq, l-EuGB biss, minħabba r-rabta tiegħu mar-Regolament dwar it-tassonomija, jiggarantixxi li l-attivitajiet iffinanzjati permezz tar-rikavat tal-bond jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali tal-Unjoni. Il-BĊE huwa tal-fehma li l-EuGBs kollha għandhom jitqiesu bħala allinjati kompletament mat-tassonomija u għalhekk għandhom jiġu inklużi kemm fin-numeratur kif ukoll fid-denominatur tad-divulgazzjonijiet tat-tassonomija (31). Il-kontribut tal-parteċipazzjonijiet tal-EuGBs lejn id-divulgazzjonijiet tat-tassonomija jista’ jipprovdi inċentiv sinifikanti għall-emittenti kif ukoll għall-investituri biex jippreferu l-EuGBs minflok l-istandards eżistenti, peress li dan awtomatikament jiggarantixxi l-allinjament tat-tassonomija mingħajr il-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni fil-fond tal-allinjament tal-investimenti sottostanti, kif ikun il-każ għal standards oħra. Il-kontribut tal-parteċipazzjonijiet tal-EuGBs lejn id-divulgazzjonijiet tat-tassonomija għandu jkun irrispettivament min-natura pubblika jew privata tal-emittent, jiġifieri għandu japplika wkoll għall-EuGBs tas-settur pubbliku, li, skont l-att delegat tal-Artikolu 8, bħalissa huma esklużi kemm min-numeratur kif ukoll mid-denominatur tad-divulgazzjonijiet tat-tassonomija.

3.1.5

Il-BĊE jilqa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament propost, li jkopri emittenti li huma impriżi finanzjarji u impriżi mhux finanzjarji, emittenti sovrani, u emittenti ta’ bonds koperti u ta’ titolizzazzjonijiet, li t-titoli tagħhom jinħarġu minn veikolu bi skop speċjali (32). Huwa jilqa’ wkoll li r-rekwiżiti jkunu applikabbli għall-emittenti kollha li jixtiequ jużaw l-isem “EuGB” għall-bonds ambjentalment sostenibbli tagħhom magħmula disponibbli għall-investituri fl-Unjoni. Madankollu, it-terminu “magħmula disponibbli għall-investituri fl-Unjoni” ma huwiex definit fir-regolament propost u jibbenefika minn kjarifika biex jiġi żgurat li l-emittenti tal-EuGBs li jikkummerċjalizzawhom barra mill-Unjoni xorta jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-isem EuGB. Din l-għażla hija partikolarment importanti sabiex tiġi promossa l-adozzjoni internazzjonali tal-EuGB u, b’mod relatat, biex tiġi inċentivata l-adozzjoni globali tal-istandards avvanzati tal-Unjoni dwar il-finanzi sostenibbli, inkluż l-użu internazzjonali tal-kriterji tat-tassonomija tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-referenza għal “entitajiet ġuridiċi” bħala emittenti tal-EuGBs (33) tidher li tissuġġerixxi li emittent ta’ EuGB jeħtieġlu jkollu personalità ġuridika, li ma japplikax għall-emittenti kollha ta’ bonds madwar l-Unjoni, pereżempju, l-emittenti tat-titolizzazzjonijiet skont il-liġijiet nazzjonali ta’ ċerti Stati Membri. Referenza sempliċi għal “entitajiet” tidher ugwalment effettiva. Fl-aħħar nett, ikun meħtieġ li jiġi ċċarat fir-rigward tat-titolizzazzjonijiet kif jiġi applikat ir-regolament propost sabiex it-titolizzazzjonijiet ta’ tranżizzjoni ekoloġika jkunu jistgħu jużaw ukoll l-istandard għall-EuGBs fejn l-assi sottostanti ma jkunux allinjati mat-tassonomija iżda l-iskop tal-finanzjament jikkonċerna teknoloġiji ta’ tranżizzjoni ekoloġika (34). Għal titolizzazzjonijiet tranżizzjonali ekoloġiċi, l-obbligi relatati mal-konformità futura tat-tassonomija huma rilevanti għall-oriġinatur, mhux għall-veikolu bi skop speċjali tal-emittent. Għaldaqstant, jista’ jkun meħtieġ li jitqies dan fejn l-obbligi jitpoġġew b’mod ieħor fuq l-emittent, pereżempju fl-Artikolu 7 tar-regolament propost.

3.2   Allinjament mar-Regolament dwar it-Tassonomija

3.2.1

Ir-regolament propost jipprevedi li l-użu tar-rikavati tal-EuGBs għandu jkun relatat ma’ attivitajiet ekonomiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tassonomija, jew li se jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tassonomija f’perjodu ta’ żmien definit (ħames snin jew għaxar snin mid-data tal-ħruġ tal-bond jekk dan ikun iġġustifikat mill-karatteristiċi speċifiċi tal-attivitajiet ekonomiċi kkonċernati) kif stabbilit fi pjan ta’ allinjament tat-tassonomija (35). Ir-“rekwiżiti tat-tassonomija” huma definiti bħala r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Għalhekk, l-attivitajiet ambjentalment sostenibbli jridu (a) jikkontribwixxu sostanzjalment għal wieħed jew aktar mill-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament dwar it-Tassonomija; (b) ma jagħmlux ħsara sinifikanti lil kwalunkwe wieħed minn dawn l-objettivi ambjentali; (c) jitwettqu f’konformità ma’ salvagwardji soċjali minimi; u (d) jikkonformaw mal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti mill-Kummissjoni.

3.2.2

Il-BĊE jilqa’ dan l-allinjament mar-Regolament dwar it-Tassonomija peress li jenfasizza ċ-ċentralità tar-Regolament dwar it-Tassonomija fl-istrateġija tal-finanzi sostenibbli tal-Unjoni u jipprovdi bażi kredibbli għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-użu tar-rikavati mill-ħruġ tal-EuGBs (36). Madankollu, il-fatt li huwa biżżejjed li l-allinjament mat-tassonomija jinkiseb fi żmien ħames snin jew, f’ċirkostanzi speċifiċi, għaxar snin, iqajjem tħassib. Għalkemm l-emittenti ma għandhomx jiġu ppenalizzati meta jallokaw ir-rikavati mill-bonds għal attivitajiet ekonomiċi li għadhom ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tat-tassonomija, iżda se jagħmlu dan f’dan il-perjodu definit (37), hemm ċertu riskju li s-sanzjonijiet stabbiliti fir-regolament propost ma jkunux biżżejjed meta l-emittent ma jikkonformax mal-pjan ta’ allinjament mat-tassonomija. L-Anness II tar-regolament propost jeħtieġ li l-emittenti jirrapportaw dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ allinjament mat-tassonomija bħala parti mir-rapporti annwali tagħhom tal-allokazzjoni (38). L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jirrikjedu li l-emittenti jippubblikaw dawn ir-rapporti u jinkludu l-informazzjoni meħtieġa (39). Madankollu, ma jidhirx li għandhom setgħat ta’ sanzjonar jew ta’ superviżjoni fuq l-allinjament tal-attivitajiet ekonomiċi mar-rekwiżiti tat-tassonomija bħala tali. B’mod partikolari, ir-regolament propost ma jistabbilixxix proċedura għall-irtirar tat-“tikketta” tal-EuGB, minbarra l-possibbiltà li tiġi inkluża dikjarazzjoni fir-rieżami ta’ wara l-ħruġ li l-bond ma jissodisfax ir-rekwiżiti tar-regolament propost u li l-isem “EuGB” ma jistax jiġi applikat għalih (40). Għalkemm l-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza tagħmilha probabbli li n-nuqqas ta’ konformità mal-istandard ikun rifless fil-prezz tal-bond, dan jista’ jkollu biss impatt limitat u indirett fuq l-emittent tal-EuGB jekk sussegwentement dan jiġi nnegozjat fis-suq. Sakemm l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti possibbilment jingħataw aktar kompiti wara r-rieżami ppjanat mill-Kummissjoni tas-setgħat, tal-mandati u l-għodod ta’ infurzar tal-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni u ta’ dawk nazzjonali biex jiġġieldu l-greenwashing (41), hemm riskju li l-emittenti li l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom li huma ffinanzjati mir-rikavat tal-EuGB jirriżultaw li ma humiex allinjati mat-tassonomija ma jiffaċċjaw l-ebda konsegwenza.

3.3   Emenda sussegwenti tal-atti delegati

3.3.1

Ir-regolament propost jipprevedi li l-emittenti għandhom jallokaw ir-rikavati mill-bonds billi japplikaw l-atti delegati (kriterji tekniċi ta’ skrinjar) adottati mill-Kummissjoni skont ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar it-Tassonomija (42) applikabbli fil-mument meta jkun inħareġ il-bond, jew, meta r-rikavati mill-bonds jiġu allokati għad-dejn, fil-mument meta jkun inħoloq id-dejn (43). Ir-regolament propost jipprevedi wkoll li jekk l-atti delegati jiġu emendati wara l-ħruġ tal-bond (jew, meta r-rikavati mill-bonds jiġu allokati għad-dejn, wara l-ħolqien tad-dejn), l-emittent għandu jalloka r-rikavati mill-bonds billi japplika l-atti delegati emendati fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tagħhom (44). Filwaqt li huwa rikonoxxut bis-sħiħ li l-istandards tekniċi jistgħu jevolvu maż-żmien minħabba n-natura dinamika u bbażata fuq ix-xjenza tat-tassonomija tal-Unjoni, li fl-aħħar mill-aħħar taqdi l-objettivi ambjentali tal-Unjoni, it-tibdil tal-metriċi sottostanti għall-EuGBs li jkunu diġà nħarġu u l-ħtieġa li l-bonds eżistenti jikkonformaw, fi skadenza ta’ ħames snin, mar-rekwiżiti l-ġodda jista’ jkollhom impatti ta’ tfixkil fuq is-suq. L-investituri jistgħu, pereżempju, jiġu inċentivati biex ibigħu bonds ekoloġiċi b’antiċipazzjoni ta’ telf potenzjali tal-isem EuGB, li min-naħa tiegħu jista’ jwassal għal tfixkil fil-prezzijiet tal-bonds affettwati. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni tista’ twassal għal konsegwenzi fir-rigward taċ-ċikliċità tas-swieq, peress li l-emittenti tal-bonds jistgħu jkunu inklinati li jipposponu l-ħruġ tal-EuGBs jekk ikunu mistennija bidliet fl-atti delegati. Id-dispożizzjoni jista’ jkollha wkoll konsegwenzi mhux intenzjonati għat-tul ta’ żmien tal-EuGBs u l-perjodu ta’ żmien tal-investimenti sottostanti, billi potenzjalment toħloq preferenza strutturali għal EuGBs b’maturitajiet iqsar sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi ta’ bidla mistennija fl-atti delegati. Għal dawn ir-raġunijiet, minn perspettiva purament ta’ stabbiltà finanzjarja u bil-għan li jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq tal-EuGB, jista’ jkun preferibbli li l-emittenti jitħallew jallokaw ir-rikavati mill-bonds billi japplikaw l-atti delegati rispettivi applikabbli fil-mument meta l-bond ikun inħareġ għall-ħajja kollha tal-bond. Kif indikat, il-BĊE jirrikonoxxi li jista’ jkun meħtieġ u apprezzat l-adattament tal-atti delegati minħabba kunsiderazzjonijiet relatati mal-objettivi ambjentali tal-Unjoni, b’mod partikolari t-tibdil fil-klima. Peress li suq tal-EuGB li jiffunzjona tajjeb jgħin ukoll biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali tal-Unjoni, l-applikazzjoni tal-att delegat applikabbli fiż-żmien tal-ħruġ tal-bond għall-ħajja kollha tal-bond tidher li hija l-għażla ppreferuta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni mbagħad tkun libera li temenda l-atti delegati bi kwalunkwe mod li tqis xieraq. B’mod partikolari, ma jkollhiex tikkunsidra l-implikazzjonijiet potenzjali tal-istabbiltà finanzjarja ta’ dawn l-emendi aktar tard. Ovvjament, l-atti delegati applikabbli fiż-żmien tal-ħruġ (jew tal-ħolqien ta’ dejn) japplikaw għal kwalunkwe bond ġdid li jinħareġ. Din is-soluzzjoni ġenerali tkompli ttejjeb iċ-ċertezza legali, li hija rikonoxxuta wkoll bħala għan fir-regolament propost (45).

3.4   L-użu tar-rikavati

3.4.1

ir-regolament propost jistabbilixxi li r-rikavati mill-EuGBs jistgħu, fost l-oħrajn, jiġu allokati għall-assi finanzjarji. L-assi finanzjarji huma definiti fir-regolament propost bħala li jinkludu, dejn, ekwità, jew taħlita tagħhom. Il-BĊE jifhem li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tkopri, pereżempju, sitwazzjonijiet li fihom il-banek joħorġu EuGBs biex jiffinanzjaw self ekoloġiku lill-klijenti tagħhom. Madankollu, id-dejn ma huwiex assi f’termini kontabilistiċi. Sabiex id-definizzjoni tiġi allinjata mal-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju (46), it-terminu “dejn” jista’ jiġi ssostitwit b’referenza għal “pretensjoni finanzjarja”.

3.5   Allinjament ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni

3.5.1

Ir-regolament propost jiffoka fuq l-istabbiliment ta’ rekwiżiti għall-EuGBs mill-perspettiva tal-emittent tal-bonds. Jiddikjara wkoll li EuGB jista’ jiġi ffinanzjat mill-ġdid billi jinħareġ EuGB ġdid (47). Skont l-att delegat tal-Artikolu 8, il-kumpaniji finanzjarji u mhux finanzjarji jeħtieġ li jiddivulgaw sa liema punt l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom huma allinjati mar-Regolament dwar it-Tassonomija. B’mod partikolari, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jeħtieġ li jiddivulgaw proporzjon ta’ assi ekoloġiċi, li juri l-proporzjon ta’ skoperturi relatati ma’ attivitajiet allinjati mat-tassonomija meta mqabbla mal-assi totali ta’ dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (48). Jekk il-Bank A joħroġ EuGB u juża r-rikavati biex jagħti self għal attivitajiet allinjati mat-tassonomija u l-Bank B jixtri dan il-bond bħala investitur, iż-żewġ banek jistgħu jinkludu s-self sottostanti (Bank A) u l-EuGB (Bank B) mal-proporzjonijiet tal-assi ekoloġiċi rispettivi tagħhom. Dan jimplika li jekk titolu garantit b’assi marbut ma’ self ekoloġiku jew ma’ bond ekoloġiku kopert jinħareġ minn bank u sussegwentement jinżamm minn istituzzjoni ta’ kreditu oħra, bħal fl-eżempju ta’ hawn fuq, kemm l-emittent kif ukoll id-detentur tat-titolu jkunu jistgħu jinkludu l-assi sottostanti u t-titolu korrispondenti mad-divulgazzjonijiet tat-tassonomija rispettivi tagħhom. F’dan l-isfond, ikun utli li jiġi ċċarat li jekk istituzzjoni finanzjarja toħroġ EuGB u żżomm il-bond parzjalment jew kompletament jew iżżommu f’impriża separata taħt l-istess entità ta’ rapportar konsolidata, tkun biss l-iskopertura netta tal-emittent għall-assi ekoloġiku sottostanti li tiġi inkluża mal-assi tiegħu allinjati mat-tassonomija fil-proporzjon tal-assi ekoloġiku, mhux il-valur kumulattiv tas-self u l-EuGB.

3.5.2

Barra minn hekk, ir-regolament propost jidher li jippermetti lill-emittenti jużaw ir-rikavati ta’ EuGB li jkun għadu kif inħareġ biex jixtru EuGB ieħor. Skont ir-regolament propost, ir-rikavati tal-assi finanzjarju jistgħu jiġu allokati għal assi finanzjarji oħrajn sakemm ir-rikavati minn dawk l-assi finanzjarji jiġu allokati għal assi fissi allinjati mat-tassonomija, nefqa kapitali u nefqa operazzjonali (49). Dan jidher li jimplika li tranżazzjoni bħal din tista’ sseħħ darba biss. Din l-interpretazzjoni hija tabilħaqq meħtieġa biex jiġi evitat li tinħoloq katina ta’ ħruġ ta’ EuGBs li jintużaw biex jinxtraw EuGBs oħrajn li għal darb’oħra jkunu assigurati bl-EuGBs infushom, li jżid l-ammont ta’ assi ekoloġiċi nozzjonali li jkunu assigurati bl-istess attività ekonomika reali. Barra minn hekk, katina bħal din tista’ twassal għal tisħiħ artifiċjali tal-proporzjon tal-assi ekoloġiċi tal-istituzzjoni ta’ kreditu emittenti permezz ta’ għadd doppju jekk dik l-istituzzjoni tixtri EuGB li jkun assigurat direttament jew indirettament bl-EuGB tiegħu stess.

3.5.3

Il-memorandum ta’ spjegazzjoni tar-regolament propost jiddikjara li l-użu tal-isem “EuGB” huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (50) (ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital, minn hawn ’il quddiem is-“CRR”). Il-BĊE jifhem li l-isem ta’ “EuGB” ma għandu l-ebda impatt fuq il-fondi proprji u r-rekwiżiti ta’ likwidità għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward ta’ bonds li huma indirizzati taħt is-CRR. Madankollu, ikun utli li jiġi ċċarat b’mod espliċitu li l-istandard għall-EuGB ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprevjeni lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu milli japplikaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti tas-CRR.

3.6   Rekwiżiti ta’ trasparenza

3.6.1

Il-BĊE jilqa’ r-rekwiżiti ta’ trasparenza għall-emittenti tal-EuGBs, jiġifieri r-rekwiżiti biex jimlew skeda informattiva tal-EuGB, rapporti annwali ta’ allokazzjoni u rapport tal-impatt, u biex jużaw mudelli għad-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni (51). Barra minn hekk, il-BĊE jilqa’ li l-iskeda informattiva se tkun soġġetta għal rieżami ta’ qabel il-ħruġ u li r-rapporti ta’ allokazzjoni se jkunu soġġetti għal rieżami ta’ wara l-ħruġ minn rieżaminatur estern taħt superviżjoni mill-ESMA (52). Skont l-istess objettiv ta’ trasparenza, l-EuGBs kollha għandu jkollhom numru internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISIN) u l-emittenti tagħhom għandhom jiġu identifikati minn identifikatur ta’ entità ġuridika (LEI).

3.6.2

Ir-regolament propost jipprovdi li l-emittenti għandhom jippubblikaw l-iskeda informattiva, ir-rieżami ta’ qabel il-ħruġ, ir-rapporti annwali dwar l-allokazzjoni, ir-rieżamijiet ta’ wara l-ħruġ u r-rapport dwar l-impatt fuq is-sit web tagħhom (53). L-emittenti huma meħtieġa wkoll jinnotifikaw lill-awtorità nazzjonali kompetenti u lill-ESMA dwar il-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti (54). Madankollu, mit-test tar-regolament propost jidher li d-data dwar l-EuGBs mhux se tinġabar f’forma ċentralizzata. Il-BĊE jissuġġerixxi li l-informazzjoni divulgata tista’ tiġi inkluża fil-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew (ESAP) li ġej f’format li jista’ jinqara minn magna. L-inklużjoni ta’ informazzjoni dwar bonds ekoloġiċi fl-ESAP tkun “punt uniku ta’ servizz” għall-informazzjoni kritika kollha dwar kumpanija, inkluż dwar EuGBs li tkun ħarġet, u għalhekk ittejjeb it-trasparenza u tiffaċilita d-deċiżjonijiet dwar l-investiment. Ir-rapporti ssuġġeriti fl-Annessi tar-regolament propost jistgħu jinkludu wkoll informazzjoni dwar it-tariffi u l-ispejjeż imġarrba mill-emittenti tal-EuGBs (pereżempju, il-kostijiet mgħoddija mir-rieżaminaturi esterni) biex jissaħħu t-trasparenza u l-effiċjenza tas-suq. Fl-interess tal-preċiżjoni u biex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar tad-data, ir-regolament propost għandu jagħmilha wkoll aktar ċara li għandhom jiġu prodotti skedi informattivi, rapporti annwali ta’ allokazzjoni u rapporti tal-impatt għal kull bond individwali, indipendentement mill-possibbiltà li jiġu ppubblikati diversi skedi informattivi u rapporti flimkien u li jkun hemm taqsima ġenerali dwar il-valur ikkombinat tal-EuGBs kollha maħruġa minn entità.

3.6.3

Ir-regolament propost jissuġġerixxi li, fejn għandu jiġi ppubblikat prospett skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (55) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-Prospett”), dak il-prospett għandu jiddikjara b’mod ċar, fejn meħtieġ biex jipprovdi informazzjoni dwar l-użu tar-rikavati, li l-EuGB qed jinħareġ f’konformità mar-regolament propost (56). Ir-regolament propost jipprevedi wkoll li l-inkorporazzjoni b’referenza hija possibbli fir-rigward tal-informazzjoni li tinsab fl-iskeda informattiva dwar l-EuGB (57). L-attributi ewlenin tal-EuGB, jiġifieri l-informazzjoni li tinsab fl-iskeda informattiva, għandhom jiġu integrati bis-sħiħ fil-prospett billi jintuża l-mudell standardizzat ipprovdut fl-Anness I tar-regolament propost. Dan itejjeb il-konsistenza u l-komparabbiltà tal-informazzjoni dwar bonds ekoloġiċi u jkun ifisser li l-fornituri tad-data finanzjarja jkollhom jirreferu biss għad-dokumenti tal-prospett biex jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa għal dawn l-istrumenti (58).

3.6.4

Mill-perspettiva tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu l-EuGBs biex jiffinanzjaw self ekoloġiku, ir-rekwiżiti ta’ trasparenza jistgħu jiġu msaħħa aktar billi jiġi impost obbligu fuq il-banek biex jimmonitorjaw l-allinjament tar-rikavati tas-self ekoloġiku mar-rekwiżiti tat-tassonomija.

3.7   Is-sistema ta’ reġistrazzjoni u l-qafas superviżorju

3.7.1

Il-BĊE jilqa’ l-fatt li r-regolament propost jistabbilixxi sistema ta’ reġistrazzjoni u qafas superviżorju għar-rieżaminaturi esterni (59). Huwa jilqa’ wkoll li l-ESMA se tkun inkarigata mis-superviżjoni ta’ rieżaminaturi esterni.

3.7.2

L-Artikolu 36 tar-regolament propost jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti ta’ trasparenza u ta’ rieżami estern jiġu applikati mill-emittenti. L-Artikolu 36 jirreferi għad-dispożizzjoni tar-Regolament dwar il-Prospett li jistabbilixxi li kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità amministrattiva kompetenti unika responsabbli għat-twettiq tad-dmirijiet skont ir-Regolament dwar il-Prospett (60). Għalhekk, l-awtorità amministrattiva kompetenti maħtura b’dan il-mod tkun ukoll l-awtorità kompetenti skont ir-regolament propost. Madankollu, hemm għadd ta’ eżenzjonijiet mill-obbligu li jinħareġ prospett skont ir-Regolament dwar il-Prospett (61). Il-BĊE għalhekk jissuġġerixxi li jiġi ċċarat li l-Istat Membru domiċiljari għandu jaħtar awtorità kompetenti nazzjonali għall-bqija tal-emittenti kollha tal-EuGBs li għalihom ir-Regolament dwar il-Prospett ma jinnominax awtomatikament awtorità superviżorja kompetenti, bl-eċċezzjoni ta’ korpi sovrani. Ir-Regolament propost jistabbilixxi espressament li l-awdituri tal-istat u entitajiet pubbliċi oħra b’mandat minn emittenti sovrani biex jivvalutaw il-konformità mar-regolament propost ma għandhomx ikunu soġġetti għar-regoli għar-rieżaminaturi esterni u s-superviżjoni mill-ESMA u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (62). Il-leġiżlatur huwa mistieden jirrifletti dwar jekk l-emittenti sovrani għandhomx ikunu soġġetti għas-superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Għall-finijiet ta’ ċarezza u trasparenza, jekk il-leġiżlatur biħsiebu jeżenta tali emittenti mis-superviżjoni, minbarra li jeżenta mis-superviżjoni awdituri tal-Istat u entitajiet pubbliċi oħra li jaġixxu bħala rieżaminaturi esterni, dan jista’ wkoll jiġi ddikjarat b’mod espliċitu fi premessa tar-regolament propost.

3.7.3

Ir-Regolament propost fih regoli speċifiċi għall-forniment ta’ servizzi minn rieżaminaturi esterni minn pajjiżi terzi li jippermettu s-superviżjoni tagħhom mill-ESMA (63). B’kuntrast ma’ dan, is-superviżjoni diretta tal-emittenti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tidher li hija limitata għal emittenti li jinsabu fl-Unjoni (64) filwaqt li mhuwiex ċar li jkun hemm awtorità nazzjonali kompetenti assenjata għal emittenti ta’ EuGBs li jinsabu barra mill-Unjoni. Dan ifisser li l-emittenti li jinsabu barra mill-Unjoni jkunu jistgħu joħorġu EuGBs billi jagħmluhom disponibbli għall-investituri fl-Unjoni iżda ma jkunux soġġetti għar-reġim ta’ sanzjonar, inklużi spezzjonijiet fuq il-post u multi amministrattivi, previsti fir-regolament propost (65). Dan iħalli lill-emittenti li jinsabu fl-Unjoni fi żvantaġġ ovvju meta mqabbla ma’ dawk li jinsabu barra minnha li madankollu jużaw l-isem tal-EuGB, peress li jista’ jkun li dawn tal-aħħar ma jkunux soġġetti għal sanzjonijiet anke jekk ma jissodisfawx ir-rekwiżiti kollha tar-regolament propost. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kredibbiltà tal-istandard għall-EuGBs tista’ tiddgħajjef jekk mhux l-emittenti kollha tal-EuGBs ikunu soġġetti għall-istess reġim superviżorju. Is-sistemi li jiffunzjonaw biex jiżguraw li l-emittenti rilevanti kollha jkollhom awtorità nazzjonali kompetenti għas-superviżjoni diġà jeżistu taħt regolamenti oħra, pereżempju taħt ir-Regolament dwar il-Prospett, fejn kull emittent ta’ pajjiż terz jagħżel Stat Membru domiċiljari. Il-BĊE jissuġġerixxi li għandu jiġi kkunsidrat reġim simili taħt ir-regolament propost, b’mod partikolari, biex tinħatar awtorità kompetenti għall-emittenti minn pajjiżi terzi.

3.7.4

Il-BĊE jinnota wkoll li l-kunċetti ta’ Stat Membru “domiċiljari” u “ospitanti” (66) li jinsabu fir-regolament propost la huma marbuta ma’ dispożizzjonijiet oħra u lanqas iddefiniti fir-regolament propost. Dan jeħtieġ kjarifika.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, tiġi stabbilita proposta ta’ abbozzar speċifika f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test ta’ spjegazzjoni għal dan il-għan. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta’ Novembru 2021.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2021) 391 final.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(3)  Ara wkoll il-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja r-regolament propost.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(5)  Ara l-Artikolu 2(4) tar-regolament propost.

(6)  Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja r-regolament propost. Ara wkoll “Green Bond Funds – Impact Reporting Practices 2020”, disponibbli fuq is-sit web ta’ Environmental Finance fuq www.environmental-finance.com.

(7)  Ara l-Kontribuzzjonijiet riċevuti: L-istabbiliment ta’ Standard ta’ Bonds Ekoloġiċi tal-UE, disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni fuq www.ec.europa.eu.

(8)  Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Impact Assessment Report accompanying the document Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on European green bonds, SWD/2021/181 final.

(9)  Ara l-paġna 12 tar-risposta tal-Eurosistema għall-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istrateġija Mġedda ta’ Finanzjament Sostenibbli u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux mhux Finanzjarju (minn hawn’ il quddiem “ir-risposta tal-Eurosistema”), disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(10)  Ara, eż., Bachelet, M.J., Becchetti, L. u Manfredonia, S., “The Green Bond Premium Puzzle: The Role of Issuer Characteristics and Third-Party Verification”, Sustainability 2019, Vol. 11, Nru 4, 1098; Kapraun, J. et al., “(In)-Credibly Green: Which Bonds Trade at a Green Bond Premium?”, Proċedimenti tal-Laqgħa tal-Finanzi ta’ Pariġi organizzata mill-EUROFIDAI – ESSEC f’Diċembru 2019.

(11)  Ara l-premessa 4 tar-regolament propost.

(12)  Ara “Towards a green capital markets union for Europe”, id-diskors ta’ Christine Lagarde, President tal-BĊE, waqt il-konferenza ta’ livell għoli tal-Kummissjoni dwar il-proposta għal Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà, Frankfurt am Main, 6 ta’ Mejju 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(13)  ibid.

(14)  Ara l-Kapitolu 5.3 tal-Financial Stability Review ta’ Novembru 2020 tal-BĊE, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(15)  Ara l-paġna 12 tar-risposta tal-Eurosistema.

(16)  Ara “The role of the euro in global green bond markets”, The international role of the euro, BĊE, Ġunju 2020, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(17)  Ara l-paġna 12 tar-risposta tal-Eurosistema.

(18)  Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Settembru 2021, “L-Istrument NextGenerationEU: Il-Kummissjoni Ewropea qed tippjana għall-ħruġ ta’ EUR 250 biljun ta’ “bonds ekoloġiċi ta’ NextGenerationEU”, disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni fuq www.ec.europa.eu.

(19)  Ara l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

(20)  Ara r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(21)  Ara “Purchases of green bonds under the Eurosystem’s asset purchase programme”, Bullettin Ekonomiku tal-BĊE, Ħarġa 7, BĊE, 2018, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(22)  Ara l-paġna 38 ta’ “Riskju relatat mal-klima u l-istabbiltà finanzjarja”, it-Tim tal-Proġett tal-BĊE/BERS dwar l-immudellar tar-riskju tal-klima, Lulju 2021, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(23)  L-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija jirrikjedi li impriżi kbar jiddivulgaw informazzjoni dwar kif u sa liema punt l-attivitajiet tagħhom huma assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli. Att delegat jispeċifika li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jridu jiddivulgaw proporzjon ta’ assi ekoloġiċi, b’applikazzjoni spazjata mill-1 ta’ Jannar 2022. Ara r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kontenut u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata minn impriżi soġġetti għall-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE dwar attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, u li jispeċifika l-metodoloġija biex ikun hemm konformità ma’ dan l-obbligu ta’ divulgazzjoni, C(2021) 4987 final (minn hawn ’il quddiem l-“att delegat tal-Artikolu 8”) (mhux disponibbli bil-Malti), li għandu jinqara flimkien mal-annessi tiegħu.

(24)  Fil-proposta tagħha għal Direttiva dwar ir-Rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD), il-Kummissjoni tipproponi li l-kumpaniji mhux finanzjarji u finanzjarji jiddivulgaw deskrizzjoni tal-miri relatati mal-kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà stabbiliti mill-impriża u tal-progress li l-impriża tkun għamlet biex tilħaq dawk il-miri. Ara l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2021 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014, fir-rigward tar-rapportar korporattiv sostenibbli minn ċerti impriżi, COM(2021) 189 final.

(25)  Ara l-Artikolu 41 tar-regolament propost.

(26)  Ara l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tal-25 ta’ Jannar 2021, “ECB to invest in Bank for International Settlements’ green bond fund”, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

(27)  Ara l-premessa 7 tar-regolament propost.

(28)  Inqas minn 5 % tal-fatturat, tan-nefqa kapitali u tal-ispejjeż operazzjonali ta’ impriżi mhux finanzjarji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1) huma stmati li huma allinjati mat-tassonomija. Ara l-paġna 174 tal-“Final Report: Advice on Article 8 of the Taxonomy Regulation” tal-ESMA tas-26 ta’ Frar 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-ESMA fuq www.esma.europa.eu. Madankollu, ta’ min jinnota li dawn l-istimi jirreferu għal industriji sħaħ aktar milli għal bonds ekoloġiċi. Is-sehem ta’ bonds ekoloġiċi pendenti li diġà huma allinjati mat-tassonomija jista’ jiġi preżunt li huwa konsiderevolment ogħla. Diversi bonds ekoloġiċi eżistenti ġew iċċertifikati minn rieżaminaturi esterni bħala diġà allinjati kompletament mat-tassonomija.

(29)  Taħt approċċ obbligatorju, il-bonds ekoloġiċi kollha maħruġa fl-Unjoni jew minn emittent ibbażat fl-Unjoni jkollhom jagħmlu użu mill-EuGB. Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja r-regolament propost.

(30)  Żewġ standards ta’ bonds sostenibbli bbażati fuq is-suq huma l-Prinċipji tal-Bonds Ekoloġiċi (GBP) adottati mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Suq Kapitali (ICMA) u l-Istandard għall-Bonds Klimatiċi (CBS) tal-Inizjattiva dwar il-Bonds Klimatiċi. Ara s-sit web tal-ICMA fuq www.icmagrop.org u s-CBS fuq www.climatebonds.net.

(31)  Fid-divulgazzjonijiet tat-tassonomija, id-denominatur tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni jkopri d-daqs finanzjarju ġenerali tal-attivitajiet tal-impriża rilevanti għad-divulgazzjonijiet tat-tassonomija. In-numeratur ikopri speċifikament id-daqs ta’ dawk l-attivitajiet li huma allinjati mal-kriterji tat-tassonomija. Il-proporzjon li jirriżulta jipprovdi informazzjoni dwar il-proporzjon tal-attivitajiet ekonomiċi tal-impriża rilevanti li huma allinjati mat-tassonomija. Fl-att delegat tal-Artikolu 8, il-Kummissjoni pproponiet li “minħabba n-nuqqas attwali ta’ metodoloġija ta’ kalkolu xierqa, l-iskoperturi għall-gvernijiet ċentrali, għall-banek ċentrali u għall-emittenti supranazzjonali jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kalkolu tan-numeratur u tad-denominatur tal-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin”.

(32)  Ara l-Artikolu 1 tar-regolament propost u l-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjah.

(33)  Ara l-Artikolu 2(1) tar-regolament propost.

(34)  Ara l-paġna 8 tal-kontribut tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-funzjonament tal-qafas ta’ titolizzazzjoni tal-UE, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(35)  Ara l-Artikolu 6 tar-regolament propost.

(36)  Ara l-paġna 12 tar-risposta tal-Eurosistema.

(37)  Ara l-premessa 15 tar-regolament propost.

(38)  Ara l-punt 3.A tal-Anness II tar-regolament propost.

(39)  Ara t-Titolu IV tar-regolament propost.

(40)  Ara l-punt 3(b) tal-Anness IV tar-regolament propost.

(41)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-6 ta’ Lulju 2021: Strateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli, COM(2021) 390 final.

(42)  Ara l-Artikoli 10(3), 11(3), 12(2), 13(2), 14(2) u 15(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

(43)  Ara l-Artikolu 7 tar-regolament propost.

(44)  Ara l-Artikolu 7 tar-regolament propost. Il-konsegwenzi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jista’ jkollhom bżonn jiġu ċċarati. Pereżempju, it-test tar-regolament propost ma jiċċarax jekk dan jfissirx li l-emittent ikollu bżonn jirrialloka r-rikavati u/jew jekk jistax jadatta wkoll proġetti eżistenti jekk l-atti delegati jiġu emendati.

(45)  Ara l-premessa 11 tar-regolament propost.

(46)  Ara r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).

(47)  Ara l-Artikolu 4(3) tar-regolament propost.

(48)  Ara l-premessa 5 tal-att delegat tal-Artikolu 8.

(49)  Ara l-Artikolu 5(3) tar-regolament propost. Ir-rifinanzjament permezz ta’ EuGB ġdid huwa permess b’mod espliċitu skont l-Artikolu 4(3) tar-regolament propost.

(50)  Ir-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(51)  Ara l-Kapitolu II tat-Titolu II tar-regolament propost.

(52)  Ara l-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tar-regolament propost.

(53)  Ara l-Artikolu 13 tar-regolament propost.

(54)  Ara l-Artikolu 13(4) u (5) tar-regolament propost.

(55)  Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).

(56)  Ara l-Artikolu 12(1) tar-regolament propost.

(57)  Ara l-Artikolu 12(2) tar-regolament propost.

(58)  Ara l-paġna 12 tar-risposta tal-Eurosistema.

(59)  Ara l-paġna 12 tar-risposta tal-Eurosistema.

(60)  Ara l-Artikolu 31 tar-Regolament dwar il-Prospett.

(61)  Ara l-Artikolu 1(2), (3), (4) u (5) tar-Regolament dwar il-Prospett.

(62)  L-Artikolu 14(3) tar-regolament propost.

(63)  Ara l-Kapitolu IV ta’ Titolu III u l-Artikolu 59 tar-regolament propost.

(64)  Ara l-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-regolament propost.

(65)  Ara l-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-regolament propost.

(66)  Ara l-Artikolu 40 tar-regolament propost.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

il–Kunsill

19.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Diċembru 2021

li taħtar il-President tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti

(2022/C 27/05)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2016 (2), il-Kunsill ġedded il-mandat tas-Sur Martin EKVAD bħala President tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (“l-Uffiċċju”).

(2)

Il-mandat imġedded tas-Sur Martin EKVAD skada fil-31 ta’ Awwissu 2021.

(3)

Fit-22 ta’ Settembru 2021, wara li nkisbet l-opinjoni tal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill lista ta’ kandidati għall-President tal-Uffiċċju

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Is-Sur Francesco MATTINA huwa b’dan maħtur bħala President tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (“l-Uffiċċju”) għal perijodu ta’ ħames snin.

2.   Il-mandat tas-Sur Francesco MATTINA għandu jiddekorri mid-data li fiha huwa jassumi d-doveri tiegħu. Dik id-data għandha tkun bi qbil bejnu u l-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju għandu jingħata s-setgħa li jipprevedi l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jiġi implimentat l-Artikolu 1.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussel, l-20 ta’ Diċembru 2021

Għall-Kunsill

Il-President

A. VIZJAK


(1)  ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2016 li ġġedded il-mandat tal-President tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (ĠU C 223, 21.6.2016, p. 6).


19.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Diċembru 2021

li taħtar is-supplenti għall-President tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet ta’ Pjanti

(2022/C 27/06)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 47(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2016 (2), il-Kunsill ġedded il-mandat tas-Sa Sari Kaarina HAUKKA bħala supplenti għall-President tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (“l-Uffiċċju”).

(2)

Il-mandat imġedded tas-Sa Sari Kaarina HAUKKA skada fl-14 ta’ Ottubru 2021.

(3)

Fit-13 ta’ Ottubru 2021, wara li nkisbet l-opinjoni tal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill lista ta’ kandidati ta’ supplenti għall-President tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Is-Sur Marcus NAVIN-JONES huwa b’dan maħtur bħala supplenti għall-President tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (“l-Uffiċċju”) għal perijodu ta’ ħames snin.

2.   Il-mandat tas-Sur Marcus NAVIN-JONES għandu jiddekorri mid-data li fiha huwa jassumi d-doveri tiegħu. Dik id-data għandu jintlaħaq ftehim dwarha bejn il-President u l-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju għandu jingħata s-setgħa li jipprevedi l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jiġi implimentat l-Artikolu 1.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussel, l-20 ta’ Diċembru 2021

Għall-Kunsill

Il-President

A. VIZJAK


(1)  ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2016 li ġġedded il-mandat tas-supplenti għall-President tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (ĠU C 223, 21.6.2016, p. 5).


Il-Qorti tal-Awdituri

19.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/17


Rapport Speċjali Nru 2/2022

Effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi: Iffrankar tal-enerġija iżda hemm dgħufijiet fl-ippjanar u fl-għażla tal-proġetti

(2022/C 27/07)

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri b’dan tinfurmak li r-Rapport Speċjali Nru 2/2022 “Effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi: Iffrankar tal-enerġija, iżda hemm dgħufijiet fl-ippjanar u fl-għażla tal-proġetti” għadu kif ġie ppubblikat.

Ir-rapport jista’ jiġi kkonsultat jew imniżżel mis-sit web tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: http://eca.europa.eu.