ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 301A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 64
28 ta' Lulju 2021


Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2021/C 301 A/01

Id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DG NEAR) — Il-pubblikazzjoni ta’ post vakanti għall-kariga ta’ Direttur Ġenerali (Grad AD 15) — Brussell — (l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal) — COM/2021/10405

1

2021/C 301 A/02

Direttorat Ġenerali għall-Baġit — Pubblikazzjoni ta’ post vakanti għall-kariga ta’ Konsulent Hors Classe (grad AD15) (l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal) — COM/2021/10404

6

2021/C 301 A/03

Sejħa għal espressjoni ta’ interess fil-ħatra tal-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

11


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

28.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 301/1


Id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DG NEAR)

Il-pubblikazzjoni ta’ post vakanti għall-kariga ta’ Direttur Ġenerali (Grad AD 15) — Brussell

(l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal)

COM/2021/10405

(2021/C 301 A/01)

 

Min aħna

Aħna d-Direttorat Ġenerali inkarigat milli jmexxi ’l quddiem il-politiki tal-UE dwar il-viċinat u t-tkabbir (DĠ NEAR), kif ukoll li jikkoordina r-relazzjonijiet mal-pajjiżi taż-ŻEE-EFTA f’dak li jikkonċerna l-politiki tal-Kummissjoni. Id-DĠ NEAR jaħdem mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u mad-Direttorati Ġenerali rilevanti inkarigati mill-prijoritajiet tematiċi.

Permezz tal-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ assistenza fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Ewropa, id-DĠ NEAR jappoġġa r-riforma u l-konsolidazzjoni demokratika, u jsaħħaħ il-prosperità, l-istabbiltà u s-sigurtà madwar l-Ewropa. Id-DĠ NEAR jgħin biex jippromwovi l-valuri, il-politiki u l-interessi tal-UE f’dan ir-reġjun, u biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-relazzjoni speċjali tal-UE mal-pajjiżi ġirien tagħha.

Fil-qasam tat-tkabbir, id-DĠ NEAR jassisti lil dawk il-pajjiżi b’perspettiva li jissieħbu mal-UE biex jissodisfaw il-kriterji definiti mit-Trattat tal-Unjoni Ewropea u mill-Kunsill Ewropew. Aħna nimmonitorjaw mill-qrib il-progress tal-pajjiżi tat-tkabbir lejn l-adeżjoni fl-UE u nappoġġaw in-negozjati tal-adeżjoni kif meħtieġ mill-Kunsill. Aħna nimmaniġġjaw ir-relazzjonijiet bilaterali tal-Unjoni ma’ pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali fi triqthom lejn l-adeżjoni fl-UE, billi nantiċipaw ir-riformi fl-oqsma tal-istat tad-dritt, tal-governanza ekonomika u tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika. Rigward il-Balkani tal-Punent, id-DĠ NEAR jiżviluppa u jimplimenta l-politika ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea kif definita mill-Kunsill Ewropew.

Id-DĠ għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir huwa bbażat fi Brussell u għandu madwar 1 700 membru tal-persunal fi Brussell u fid-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi sħab.

X’qegħdin nipproponu

Il-funzjoni ta’ Direttur Ġenerali tad-DĠ Viċinat u Negozjati għat-Tkabbir, li taħt il-gwida politika tal-Kummissarju Várhelyi, se jkun/tkun responsabbli minn:

l-iżvilupp u t-tmexxija tad-direzzjoni strateġika ġenerali, il-ġestjoni u l-governanza tad-DĠ għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir;

l-iżgurar ta’ ppjanar u ġestjoni effettivi tal-attivitajiet tad-Direttorat Ġenerali, jipprovdi gwida, jissorvelja u jikkontrolla l-prestazzjoni tiegħu;

l-iżgurar tal-koerenza u l-konsistenza tal-politiki tad-Direttorat Ġenerali mal-għanijiet globali tal-Kummissjoni.

X’qegħdin infittxu (il-kriterji tal-għażla)

Il-kandidati ideali għandhom ikunu professjonisti dinamiċi u li jispikkaw, u jenħtieġ li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla li ġejjin:

(a)

Ħiliet maniġerjali:

esperjenza maniġerjali f’livell għoli ppruvata u ħiliet ta’ tmexxija b’saħħithom, bil-kapaċità li jmexxu, jispiraw u jimmotivaw DĠ għar-relazzjonijiet esterni b’persunal bi professjonisti kompetenti ferm;

kapaċità ppruvata ta’ ħsieb kreattiv u strateġiku sabiex tinħoloq viżjoni ċara u politika għad-Direttorat Ġenerali filwaqt li tiġi żgurata l-konsistenza mal-objettivi ġenerali tal-Kummissjoni;

esperjenza ppruvata fl-ippjanar u l-amministrazzjoni effettivi tar-riżorsi umani u finanzjarji fuq livell maniġerjali għoli.

(b)

Ħiliet u esperjenza speċjalizzati:

ħila eċċellenti ta’ definizzjoni u enfasi fuq prijoritajiet strateġiċi, ta’ evalwazzjoni tal-progress u ta’ sorveljanza tal-implimentazzjoni;

ħiliet ta’ negozjar b’saħħithom u ħila ppruvata li jinftiehmu l-isfidi li qed tiffaċċja l-organizzazzjoni fil-qasam tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir.

(c)

Kwalitajiet personali:

ħiliet interpersonali, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ negozjar imwettqa f’livell għoli (inkluża fl-isfera politika);

kapaċità tajba ferm ippruvata fil-qasam tal-komunikazzjoni effettiva u effiċjenti mal-partijiet ikkonċernati kollha fil-Kummissjoni u barra minnha, u ta’ bini ta’ relazzjonijiet fdati magħhom.

Kundizzjonijiet essenzjali (ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà)

Il-kandidati se jiġu kkunsidrati biss għall-fażi tal-għażla abbażi tar-rekwiżiti formali li ġejjin, li jridu jiġu ssodisfati sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

Nazzjonalità: il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Grad jew diploma tal-università: il-kandidati jrid ikollhom:

jew livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma u ċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ (4) snin jew aktar:

inkella livell ta’ edukazzjoni, li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena (1) meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet (3) snin (din is-sena waħda ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali post-universitarja meħtieġa hawn taħt).

Esperjenza professjonali: il-kandidati jrid ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali (1) wara l-gradwazzjoni f’livell li għalih jagħtu aċċess il-kwalifiki msemmija hawn fuq. Mill-inqas ħames (5) snin minn dik l-esperjenza professjonali jridu jkunu f’qasam relevanti għal din il-pożizzjoni.

Esperjenza maniġerjali: mill-anqas ħames (5) snin mill-esperjenza professjonali post-universitarja jridu jkunu nkisbu f’funzjoni ta’ ġestjoni ta’ livell għoli (2).

Lingwi: il-kandidati jrid ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi uffiċjali. Matul l-intervista/i, il-bordijiet tal-għażla se jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li l-intervista, jew parti minnha, issir f’din il-lingwa l-oħra.

Età massima: il-kandidati ma jridux ikunu laħqu l-età regolari tal-irtirar, li għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hija ddefinita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tkun għalqet is-66 sena (ara l-Artikolu 52 lit (a) tar-Regolamenti tal-Persunal (4)).

Għażla u ħatra

Il-Kummissjoni Ewropea tagħżel u taħtar lid-Diretturi tagħha skont il-proċeduri tal-għażla u tar-reklutaġġ tagħha (ara: id-Dokument dwar il-Politika għall-Uffiċjali f’Karigi Għolja (5)).

Bħala parti minn din il-proċedura tal-għażla, il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi bord tal-preselezzjoni. Dan il-bord janalizza l-applikazzjonijiet kollha, jipproċedi bl-ewwel verifika tal-eliġibbiltà u jidentifika l-kandidati li jkollhom l-aħjar profil fid-dawl tal-kriterji tal-għażla msemmija hawn fuq, u li jkunu jistgħu jiġu mistiedna għal intervista mal-bord tal-preselezzjoni.

B’segwitu ta’ dawn l-intervisti, il-bord tal-preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta’ kandidati għal intervisti ulterjuri mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet (Consultative Committee on Appointments, CCA) tal-Kummissjoni Ewropea. Is-CCA, filwaqt li jqis il-konklużjonijiet tal-bord tal-preselezzjoni, jiddeċiedi dwar il-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.

Il-kandidati li jkunu msejħa għal intervista mas-CCA jipparteċipaw għal ġurnata sħiħa f’ċentru ta’ evalwazzjoni tal-maniġment immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-intervista u r-rapport taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, is-CCA jistabbilixxi lista qasira tal-kandidati li jikkunsidra xierqa biex jaqdu l-funzjonijiet ta’ Direttur Ġenerali.

Il-kandidati fuq il-lista mqassra tas-CCA se jiġu intervistati mill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (6) u mill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għar-riżorsi umani u s-sigurtà kif ukoll mill-President tal-Kummissjoni.

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni Ewropea tieħu d-deċiżjoni dwar il-ħatra.

Il-kandidat magħżul irid ikun wettaq kull obbligu impost mil-liġi dwar is-servizz militari, jipproduċi r-referenzi adegwati dwar il-karattru tiegħu meħtieġa sabiex jaċċertaw l-idoneità tiegħu għat-twettiq ta’ dmirijietu u għandu jkun fiżikament f’saħħtu biex iwettaq dmirijietu.

Il-kandidat magħżul jenħtieġ li jkollu, jew ikun f’pożizzjoni li jikseb, ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà mingħand l-awtorità tas-sigurtà nazzjonali tiegħu. Approvazzjoni tas-sigurtà personali hija deċiżjoni amministrattiva wara proċess ta’ investigazzjoni tas-sigurtà mwettaq mill-awtorità nazzjonali kompetenti tas-sigurtà tal-individwu, skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli tas-sigurtà, u li tiċċertifika li individwu jkun jista’ jingħata aċċess għal informazzjoni klassifikata sa livell speċifikat. (Kun af li jista’ jingħata bidu għall-proċedura meħtieġa biex tinkiseb approvazzjoni tas-sigurtà biss wara li ssir talba mill-impjegatur, u mhux mill-kandidat individwali.)

Sakemm issir l-approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal mill-Istat Membru kkonċernat u titlesta l-proċedura ta’ approvazzjoni flimkien mal-briefing obbligatorju legalment mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, il-kandidat mhux se jkun jista’ jaċċessa l-informazzjoni klassifikata tal-UE (IKUE) fil-livell ta’ CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla minnu, u lanqas ma jkun jista’ jattendi laqgħat li fihom tali IKUE tkun qed tiġi diskussa.

Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll tal-istituzzjoni, il-proċedura tal-għażla se ssir biss bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż (7).

Opportunitajiet indaqs

F’konformità mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem favur l-objettiv strateġiku li tikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’kull livell tal-maniġment sa tmiem il-mandat attwali tagħha u tapplika politika ta’ opportunitajiet indaqs li tinkoraġġixxi applikazzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu lejn aktar diversità, ugwaljanza bejn il-ġeneri u bilanċ ġeografiku ġenerali.

Kundizzjonijiet tal-impjieg

Is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidat(a) magħżul(a) se jiġi/tiġi rreklutat(a) bħala uffiċjal fil-grad AD15. Il-kandidat(a) jiġi/tiġi kklassifikata skont it-tul tal-esperjenza professjonali preċedenti tiegħu/tagħha fl-iskala 1 jew fl-iskala 2 f’dan il-grad.

Jenħtieġ li l-applikanti jieħdu nota tar-rekwiżit skont ir-Regolamenti tal-Persunal għall-persunal ġdid kollu li jrid itemm b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur.

Il-post tal-impjieg huwa Brussell, il-Belġju, fejn huwa bbażat id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir.

Indipendenza u d-dikjarazzjoni tal-interessi

Qabel jibda/tibda jaqdi/taqdi dmirijietu/dmirijietha, id-Direttur Ġenerali se jintalab/tintalab jagħmel/tagħmel dikjarazzjoni ta’ impenn li jaġixxi/taġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u li jiddikjara/tiddikjara kull interess li jista’ jitqies bħala li jippreġudika l-indipendenza tiegħu/tagħha.

Proċedura tal-applikazzjoni

Qabel tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, jenħtieġ li tivverifika b’attenzjoni jekk tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà kollha (il-“Kundizzjonijiet essenzjali”), b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi ta’ diplomi, l-esperjenza professjonali ta’ livell għoli kif ukoll il-kapaċità lingwistika meħtieġa. Jekk ma tissodisfax xi wieħed mir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà, dan ikun ifisser li se tiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk tkun trid tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet fuq is-sit web li ġej u ssegwi l-istruzzjonijiet li jirrigwardaw id-diversi stadji tal-proċedura:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan se jintuża biex tiġi kkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jibqa’ jsir kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura. Għaldaqstant nitolbuk iżżomm lill-Kummissjoni Ewropea informata bi kwalunkwe bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex timla l-applikazzjoni tiegħek, trid ittella’ CV f’format PDF, preferibbilment fil-format tal-Europass CV (8) u timla ittra ta’ motivazzjoni online (massimu ta’ 8 000 karattru). Is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ladarba tkun lestejt ir-reġistrazzjoni online tiegħek, se tirċievi ittra elettronika li tikkonferma r-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tiegħek. Jekk ma tirċevix ittra elettronika ta’ konferma, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Jekk jogħġbok innota li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Il-Kummissjoni Ewropea tikkuntattjak direttament rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.

Jekk tkun teħtieġ iktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi jekk jogħġbok ibgħat ittra elettronika lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija l-24 ta’ Settembru 2021, 12.00 nofsinhar ħin ta’ Brussell, u wara din id-data ma jkunx iktar possibbli li tirreġistra.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li timla r-reġistrazzjoni online tiegħek fil-ħin. Nagħtuk parir li ma tħallix għall-aħħar jiem biex tapplika, minħabba li t-traffiku tal-Internet qawwi jew xi problema fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tintemm qabel ma tkun lestejtha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista’ ddaħħal iktar data. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Informazzjoni importanti għall-kandidati

Il-kandidati huma mfakkra li x-xogħol tad-diversi kumitati tal-għażla huwa kunfidenzjali. Il-kandidati ma jistgħux jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri individwali tagħhom u dan lanqas ma jista’ jsir f’isimhom minn xi ħaddieħor. Kull mistoqsija għandha tiġi indirizzata lis-segretarjat tal-bordijiet rilevanti.

Protezzjoni ta’ data personali

Il-Kummissjoni se tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif jeżiġi r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u għas-sigurtà ta’ tali data.


(1)  L-esperjenza professjonali titqies biss jekk tkun tirrappreżenta relazzjoni ta’ ħidma konkreta li tkun definita bħala xogħol reali u ġenwin, bi ħlas u bħala impjegat (kull tip ta’ kuntratt) jew fornitur ta’ servizz. L-attivitajiet professjonali li jkunu saru fuq bażi part-time għandhom jiġu kkalkulati pro rata, abbażi tal-perċentwal iċċertifikat ta’ sigħat full-time li jkunu nħadmu. Il-liv tal-maternità/tal-ġenituri/għall-adozzjoni, jitqies jekk ikun fil-qafas ta’ kuntratt ta’ xogħol. Id-dottorati (PhD) huma assimilati mal-esperjenza professjonali, anki meta mhux bi ħlas, iżda għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin, dment li d-dottorat ikun tlesta b’suċċess. Perjodu partikolari jista’ jingħadd darba biss.

(2)  Għas-snin kollha li matulhom tkun inkisbet l-esperjenza maniġerjali, jenħtieġ li l-kandidati, fil-curriculum vitae tagħhom, jindikaw b’mod ċar: (1) it-titolu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kellhom; (2) in-numru ta’ persunal taħt ir-responsabbiltà tagħhom f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits ġestiti; (4) in-numru ta’ livelli ġerarkiċi superjuri u inferjuri; kif ukoll (5) l-għadd ta’ kollegi fl-istess livell.

(3)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01958R0001-20130701&qid=1408533709461&from=MT

(4)  http://eurlex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20210101

(5)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/compilation-of-the-senior-official-policy-at-the-european-commission_en.pdf

(6)  Sakemm il-Membru tal-Kummissjoni kkonċernat, b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2007 (PV(2007) 1811 u t-30 ta’ Settembru 2020 (PV(2020) 2351), ma jkunx iddelega dan il-kompitu.

(7)  Il-bordijiet tal-għażla jiżguraw li ma jingħata l-ebda vantaġġ inġust lill-kelliema nattivi ta’ dawn il-lingwi.

(8)  Tista’ ssib informazzjoni dwar kif toħloq is-CV tal-Europass tiegħek online fuq: https://europa.eu/europass/mt/create-europass-cv

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


28.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 301/6


Direttorat Ġenerali għall-Baġit

Pubblikazzjoni ta’ post vakanti għall-kariga ta’ Konsulent “Hors Classe” (grad AD15)

(l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal)

COM/2021/10404

(2021/C 301 A/02)

 

Min aħna

Id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit (DG BUDG) huwa magħmul minn madwar 530 membru tal-persunal u huwa maqsum f’sitt direttorati, li ħamsa minnhom qegħdin Brussell u wieħed minnhom għandu nies jaħdmu fi Brussell kif ukoll fil-Lussemburgu.

Id-DĠ BUDG huwa s-servizz ċentrali tal-Kummissjoni responsabbli mit-tħejjija u mill-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE tul iċ-ċikli annwali u pluriennali, u jiżgura li l-baġit jiġi eżegwit b’mod effettiv f’konformità sħiħa mar-Regolament Finanzjarju. Id-DĠ BUDG huwa responsabbli wkoll mill-qafas legali applikabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE mill-istituzzjonijiet, mill-aġenziji u mill-Istati Membri differenti, u għandu rwol ewlieni fil-promozzjoni ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u kultura ta’ prestazzjoni b’saħħitha. F’dan il-kuntest, id-DĠ BUDG għandu l-għan li jiżgura li l-baġit tal-UE jagħti riżultati konkreti u valur miżjud fil-politiki kollha tal-UE. B’mod aktar ġenerali, ir-responsabbiltajiet u l-prijoritajiet politiċi tad-DĠ BUDG huma ggwidati mit-Trattat u ddefiniti ulterjorment abbażi tal-linji gwida politiċi tal-President von der Leyen stabbiliti għall-Kummissjoni 2019–2024.

Fir-rigward tal-post vakanti li għandu jimtela, id-DĠ BUDG għandu rwol ewlieni fil-finanzjament tal-appoġġ baġitarju tal-Unjoni għall-pjan ta’ rkupru tal-Unjoni fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 permezz ta’ operazzjonijiet ta’ teħid u għoti b’self, b’mod partikolari taħt in-Next Generation EU fejn l-UE se tiġbor sa EUR 800 biljun mis-swieq kapitali biex tiffinanzja politiki differenti tal-UE biex tassisti l-fażi ta’ fejqan u rkupru. Iż-żieda fl-iskala, fil-kumplessità u fl-importanza politika tal-attivitajiet ta’ self tad-DĠ BUDG (l-operazzjonijiet finanzjarji huma usa’ u jinkludu attivitajiet ta’ ġestjoni tal-assi) wasslu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi strateġija ġdida ta’ finanzjament diversifikata u kollettiv li tippermetti lill-UE tiġbor il-fondi meħtieġa fil-ħin u bl-inqas kost possibbli. Iż-żieda fl-iskala, fil-kumplessità u fl-importanza politika tal-portafoll ta’ finanzjament tad-DĠ BUDG titlob tisħiħ proporzjonat tal-viżjoni strateġika u l-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ finanzjament diversifikata.

F’dan il-kuntest, u fid-dawl tan-natura dejjem aktar kumplessa u diffiċli tal-kompiti, inkluża l-ħtieġa li jingħata rispons xieraq għall-prospetti li qed jinbidlu fis-swieq finanzjarji u l-isfidi ffaċċjati fl-eżekuzzjoni attwali tat-tranżazzjonijiet, id-DĠ BUDG jeħtieġ li jaħtar konsulent f’livell għoli b’esperjenza sinifikanti fl-istrateġiji tal-finanzjament, fis-sensibilizzazzjoni tal-investituri u b’għarfien profond tas-swieq finanzjarji, b’mod partikolari matul żminijiet aktar diffiċli, sabiex jipprovdi/tipprovdi konsulenza ta’ livell għoli, fl-aktar livell strateġiku għoli possibbli.

X’qegħdin nipproponu

Il-kariga ta’ Konsulent “Hors Classe” għandha sservi bħala l-punt fokali għall-għoti ta’ pariri strateġiċi dwar l-implimentazzjoni u l-evoluzzjoni possibbli tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata tal-UE, li tintuża biex tiffinanzja n-nefqa fl-ambitu tan-Next Generation EU. Meta j/tintalab, hu/hi se j/tinvolvi ruħu/ruħha f’kuntatt mal-investituri, u j/tassisti fl-iżvilupp ta’ “road shows”.

Il-Konsulent “Hors Classe” se jirrapporta/tirrapporta direttament lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ BUDG.

Barra minn hekk, il-Konsulent “Hors Classe” se jirrappreżenta/tirrappreżenta lill-Kummissjoni fil-livell tal-maniġment superjuri f’fora rilevanti.

Ir-responsabbiltajiet jenħtieġ li jkunu ċċentrati fuq il-maniġment superjuri b’ mandat ċar, biex jipprovdu viżjoni strateġika dwar strateġija ta’ finanzjament diversifikata għall-partijiet ikkonċernati interni u esterni u ħiliet b’saħħithom ta’ komunikazzjoni u ta’ preżentazzjoni.

Din il-persuna f’livell għoli fil-maniġment jenħtieġ li taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-maniġment eżekuttiv tad-Direttorat Ġenerali:

Tagħti pariri strateġiċi dwar l-evoluzzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata u kollettiva tal-Kummissjoni; b’mod partikolari fir-rigward ta’ approċċi li għandhom jiġu segwiti fi żminijiet ta’ taqlib fis-suq.

Isservi ta’ punt fokali għas-sensibilizzazzjoni tal-Komunità tal-Investituri u tagħti pariri dwar il-finanzjament ta’ kull xahar fir-rigward tal-kwistjonijiet ewlenin kollha.

Tinvolvi ruħha fis-sensibilizzazzjoni tal-investituri.

Tirrappreżenta lill-Kummissjoni f’livell għoli u f’fora esterni.

Fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti, il-Konsulent “Hors Classe” għandu/għandha jkun/tkun appoġġat(a) mill-funzjoni li ġejja:

Id-Direttorat E, li jwettaq l-operazzjonijiet kollha tas-suq f’isem il-baġit tal-Unjoni inkluż għall-Pjan ta’ Rkupru tal-UE. Dan jinkludi l-ħruġ tad-dejn u l-amministrazzjoni tas-self (għal SURE, NextGenerationEU), il-ġestjoni tal-assi u l-ġestjoni tar-riskju għall-garanziji tal-baġit tal-UE (il-FEIS/InvestEU, il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna).

X’qegħdin infittxu (il-kriterji tal-għażla)

Il-persuna kandidata ideali jenħtieġ li tkun professjonista dinamika u li tispikka, u għandha tissodisfa l-kriterji tal-għażla li ġejjin:

(a)

Ħiliet fil-qasam tal-konsulenza:

Kapaċità ppruvata ta’ ħidma fi rwol konsultattiv għoli fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-SSA (Sovrani, Supranazzjonali u aġenziji).

Il-ħila li tidentifika kwistjonijiet ewlenin, tieħu inizjattiva u taħseb b’mod strateġiku fid-dawl ta’ żviluppi finanzjarji u politiċi ġodda inklużi prijoritajiet ġodda ta’ politika tal-Kummissjoni;

Ħila li tibni kapaċità istituzzjonali biex tipproteġi u tespandi r-riżorsi finanzjarji.

Approċċ dinamiku u li jħares ’il quddiem għal sfidi ġodda, flimkien ma’ motivazzjoni u reżiljenza għolja biex taħdem fuq kwistjonijiet differenti fl-istess ħin.

Ħila li tmexxi u timmotiva timijiet bi kwalifiki għolja biex jagħtu riżultati ta’ kwalità għolja.

(b)

Ħiliet u esperjenza speċjalizzati:

Sfond sod fis-servizzi bankarji pubbliċi, b’mod partikolari fis-swieq finanzjarji, b’enfasi partikolari fuq is-swieq internazzjonali tad-dejn, preferibbilment fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali.

Esperjenza konkreta fl-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ finanzjament ta’ entitajiet SSA u t-tfassil ta’ approċċi għat-trattament ta’ kundizzjonijiet tas-suq turbolenti.

Esperjenza estensiva u responsabbiltà f’livell għoli għall-politiki u l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-SSA f’livell internazzjonali, inkluż is-sensibilizzazzjoni tas-suq u r-relazzjonijiet mal-investituri.

Ħiliet ekonomiċi u analitiċi eċċellenti.

Fehim tajjeb tar-rekwiżiti ta’ kontroll intern f’ambjent bħal dan.

(c)

Kwalitajiet personali:

Netwerking eċċellenti, it-taħdit mal-pubbliku u l-ħiliet interpersonali, inklużi ħiliet ta’ smigħ attiv.

Ħiliet ta’ komunikazzjoni eċċellenti, b’ kapaċità ppruvata li tiżviluppa u żżomm relazzjonijiet eċċellenti mal-partijiet ikkonċernati fil-Kummissjoni jew barra minnha u li tirrappreżenta lill-Kummissjoni fil-livell tal-maniġment superjuri.

Ħiliet ta’ negozjar eċċellenti u b’mod partikolari, it-teħid ta’ deċiżjonijiet, is-soluzzjoni tal-problemi u l-ħiliet għall-bini ta’ rapporti.

Kundizzjonijiet essenzjali (ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà)

Il-kandidati se jiġu kkunsidrati biss għall-fażi tal-għażla abbażi tar-rekwiżiti formali li ġejjin, li jridu jiġu ssodisfati sal-iskadenza għall-applikazzjonijiet:

Nazzjonalità: il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Grad jew diploma tal-università: il-kandidati jrid ikollhom:

jew livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma u ċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ (4) snin jew aktar;

inkella livell ta’ edukazzjoni, li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena (1) meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet (3) snin (din is-sena (1) ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali post-universitarja meħtieġa hawn taħt).

Esperjenza professjonali: il-kandidati jrid ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali (1) wara l-gradwazzjoni f’livell li għalih jagħtu aċċess il-kwalifiki msemmija hawn fuq.

Esperjenza konsultattiva: mill-inqas ħames (5) snin mill-esperjenza professjonali postgradwatorja jridu jkunu f’funzjoni konsultattiva ta’ livell għoli (2) f’qasam li għandu x’jaqsam ma’ din il-pożizzjoni.

Lingwi: il-kandidati jrid ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi uffiċjali. Matul l-intervista(i), il-bordijiet tal-għażla se jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li l-intervista, jew parti minnha, issir f’din il-lingwa l-oħra.

Età massima: il-kandidati ma jridux ikunu laħqu l-età regolari tal-irtirar, li għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hija ddefinita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tkun għalqet is-66 sena (ara l-Artikolu 52 lit (a) tar-Regolamenti tal-Persunal (4)).

Għażla u ħatra

Il-Kummissjoni Ewropea tagħżel u taħtar il-“Hors Classe” tagħha skont il-proċeduri tal-għażla u tar-reklutaġġ tagħha (ara:. id-Dokument dwar il-Politika għall-Uffiċjali f’Karigi Għolja) (5)).

Bħala parti minn din il-proċedura tal-għażla, il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi bord tal-preselezzjoni. Dan il-bord janalizza l-applikazzjonijiet kollha, jipproċedi bl-ewwel verifika tal-eliġibbiltà u jidentifika l-kandidati li jkollhom l-aħjar profil fid-dawl tal-kriterji tal-għażla msemmija hawn fuq, u li jkunu jistgħu jiġu mistiedna għal intervista mal-bord tal-preselezzjoni.

B’segwitu ta’ dawn l-intervisti, il-bord tal-preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta’ kandidati għal intervisti ulterjuri mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet (Consultative Committee on Appointments, CCA) tal-Kummissjoni Ewropea. Is-CCA, filwaqt li jqis il-konklużjonijiet tal-bord tal-preselezzjoni, jiddeċiedi dwar il-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.

Il-kandidati li jkunu msejħa għal intervista mas-CCA jipparteċipaw għal ġurnata sħiħa f’ċentru ta’ evalwazzjoni tal-maniġment immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-intervista u r-rapport taċ-ċentru ta’ valutazzjoni, is-CCA jistabbilixxi lista preliminari tal-kandidati li jikkunsidra xierqa biex jaqdu l-funzjonijiet ta’ Konsulent “Hors Classe”.

Il-kandidati fuq il-lista preliminari tas-CCA jiġu intervistati mill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DG Baġit (6).

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni Ewropea tieħu d-deċiżjoni dwar il-ħatra.

Il-kandidat magħżul irid ikun wettaq kull obbligu impost mil-liġi dwar is-servizz militari, jipproduċi r-referenzi adegwati dwar il-karattru tiegħu meħtieġa sabiex jaċċertaw l-idoneità tiegħu għat-twettiq ta’ dmirijietu u għandu jkun fiżikament f’saħħtu biex iwettaq dmirijietu.

Il-kandidat magħżul jenħtieġ li jkollu, jew ikun f’pożizzjoni li jikseb, ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà mingħand l-awtorità tas-sigurtà nazzjonali tiegħu. Approvazzjoni tas-sigurtà personali hija deċiżjoni amministrattiva wara proċess ta’ investigazzjoni tas-sigurtà mwettaq mill-awtorità nazzjonali kompetenti tas-sigurtà tal-individwu, skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli tas-sigurtà, u li tiċċertifika li individwu jkun jista’ jingħata aċċess għal informazzjoni klassifikata sa livell speċifikat. (Kun af li jista’ jingħata bidu għall-proċedura meħtieġa biex tinkiseb approvazzjoni tas-sigurtà biss wara li ssir talba mill-impjegatur, u mhux mill-kandidat individwali).

Sakemm issir l-approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal mill-Istat Membru kkonċernat u titlesta l-proċedura ta’ approvazzjoni flimkien mal-briefing obbligatorju legalment mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, il-kandidat mhux se jkun jista’ jaċċessa l-informazzjoni klassifikata tal-UE (IKUE) fil-livell ta’ CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla minnu, u lanqas ma jkun jista’ jattendi laqgħat li fihom tali IKUE tkun qed tiġi diskussa.

Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll tal-istituzzjoni, il-proċedura tal-għażla se ssir biss bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż (7).

Opportunitajiet indaqs

F’konformità mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni qed taħdem favur l-objettiv strateġiku li tikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’kull livell tal-maniġment sa tmiem il-mandat attwali tagħha u tapplika politika ta’ opportunitajiet indaqs li tinkoraġġixxi applikazzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu lejn aktar diversità, ugwaljanza bejn il-ġeneri u bilanċ ġeografiku ġenerali.

Kundizzjonijiet tal-impjieg

Is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidat magħżul ser jiġi rreklutat bħala uffiċjal fil-grad AD 15. Il-kandidat jiġi kklassifikat skont it-tul tal-esperjenza professjonali preċedenti tiegħu fl-iskala 1 jew fl-iskala 2 f’dan il-grad.

L-applikanti għandhom jinnotaw ir-rekwiżit skont ir-Regolamenti tal-Persunal għall-persunal kollu ġdid li jwettaq b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ 9 xhur.

Il-post tal-impjieg huwa Brussell, fejn huwa bbażat id-DĠ BUDG.

Indipendenza u d-dikjarazzjoni tal-interessi

Qabel jibda jaqdi dmirijietu, il-Konsulent “Hors Classe” jintalab jagħmel dikjarazzjoni ta’ impenn biex jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u jiddikjara kull interess, li jista’ jitqies bħala li jippreġudika l-indipendenza tiegħu.

Proċedura tal-applikazzjoni

Qabel tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, jenħtieġ li tivverifika b’attenzjoni jekk tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà kollha (il-“Kundizzjonijiet essenzjali”), b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi ta’ diplomi, l-esperjenza professjonali ta’ livell għoli kif ukoll il-kapaċità lingwistika meħtieġa. Jekk ma tissodisfax xi wieħed mir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà, dan ikun ifisser li se tiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Biex tapplika, ġentilment irreġistra permezz tal-Internet fuq is-sit web li ġej u ssegwi l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

Irid ikollok indirizz elettroniku validu. Dan se jintuża biex tiġi kkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex matul l-istadji differenti tal-proċedura jibqa’ jkun hemm kuntatt miegħek. Għaldaqstant, informa lill-Kummissjoni Ewropea b’kull bidla fl-indirizz elettroniku tiegħek.

Biex timla l-applikazzjoni tiegħek, se jkollok ittella’ CV fil-format PDF, preferibbilment billi tuża l-format tas-CV tal-Europass (8). Is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ladarba tkun lestejt ir-reġistrazzjoni online tiegħek, se tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek ġiet irreġistrata. Jekk ma tirċevix ittra ta’ konferma, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Kun af li mhuwiex possibbli li timmonitorja l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Il-Kummissjoni Ewropea tikkuntattjak direttament rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.

Għal aktar informazzjoni u/jew fil-każ ta’ problemi tekniċi, ibgħat ittra elettronika lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija l-24 ta’ Settembru 2021, 12.00 nofsinhar ħin ta’ Brussell, u wara din id-data ma jkunx iktar possibbli li tirreġistra.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li timla r-reġistrazzjoni online fil-ħin. Aħna nagħtuk parir biex ma tħallix għall-aħħar jiem biex tapplika, peress li traffiku tal-Internet qawwi jew problema fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tiegħek tiġi tterminata qabel ma tlestiha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, inti ma tkunx tista’ ddaħħal iktar data. Mhux se jiġu aċċettati reġistrazzjonijiet li jaslu tard.

Għal aktar informazzjoni u/jew fil-każ ta’ problemi tekniċi, ibgħat ittra elettronika lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Informazzjoni importanti għall-kandidati

Il-kandidati huma mfakkra li l-ħidma tad-diversi kumitati tas-selezzjoni hija kunfidenzjali. Il-kandidati ma jistgħux jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri individwali tagħhom u dan lanqas ma jista’ jsir f’isimhom minn xi ħaddieħor. Kull mistoqsija għandha tiġi indirizzata lis-segretarjat tal-bordijiet rilevanti.

Protezzjoni tad-data personali

Il-Kummissjoni se tiżgura li d-data personali tal-kandidati tkun ipproċessat kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u għas-sigurtà ta’ tali data.


(1)  L-esperjenza professjonali titqies biss jekk tkun tirrappreżenta relazzjoni ta’ ħidma konkreta li tkun definita bħala ħidma reali u ġenwina, bi ħlas u bħala impjegat (kull tip ta’ kuntratt) jew fornitur ta’ servizz. L-attivitajiet professjonali li jkunu saru fuq bażi part-time għandhom jiġu kkalkulati pro rata, abbażi tal-perċentwali ċċertifikata ta’ sigħat full-time li jkunu nħadmu. Il-liv tal-maternità/tal-ġenituri/għall-adozzjoni jitqies jekk ikun fil-qafas ta’ kuntratt ta’ xogħol. Id-dottorati (PhD) huma assimilati mal-esperjenza professjonali, anki meta mhux bi ħlas, iżda għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet (3) snin, dment li d-dottorat ikun tlesta b’suċċess. Perjodu partikolari jista’ jitqies darba biss.

(2)  Fil-Curriculum Vitae tagħhom, il-kandidati għandhom jindikaw b’mod ċar x’tip ta’ esperjenza konsultattiva nkisbet għas-snin kollha: (1) it-titlu u r-rwol tal-pożizzjonijiet okkupati; (2) il-qasam eżatt tas-suġġett kif ukoll f’liema livell fl-organizzazzjoni l-pożizzjoni kienet ibbażata (l-għadd ta’ livelli ġerarkiċi ’l fuq u ’l isfel); (3) il-linji ta’ rapportar għal kull pożizzjoni okkupata.

(3)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01958R0001-20130701

(4)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20210101

(5)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/compilation-of-the-senior-official-policy-at-the-european-commission_en.pdf

(6)  Sakemm il-Membru tal-Kummissjoni kkonċernat, b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2007 (PV(2007)1811), ma jkunx iddelega dan il-kompitu lil Membru ieħor tal-Kummissjoni.

(7)  Il-bordijiet tal-għażla jiżguraw li ma jingħata l-ebda vantaġġ inġust lill-kelliema nattivi ta’ dawn il-lingwi.

(8)  Tista’ ssib informazzjoni dwar kif toħloq is-CV tal-Europass tiegħek online fuq: https://europa.eu/europass/en/create-europass-cv

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


28.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 301/11


Sejħa għal espressjoni ta’ interess fil-ħatra tal-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

(2021/C 301 A/03)

L-għan ta’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess huwa li tippermetti l-ħatra ta’ membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).

1.   IL-KUMITAT TA’ SORVELJANZA TAL-UFFIĊĊJU EWROPEW TA’ KONTRA L-FRODI

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) huwa korp stabbilit bl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) biex isegwi regolarment l-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva tal-Uffiċċju, sabiex issaħħaħ l-indipendenza tal-Uffiċċju fl-eżerċizzju xieraq tal-kompetenzi mogħtija lilu minn dan ir-Regolament. B’mod partikolari għandu jsegwi l-iżviluppi dwar l-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali u t-tul tal-investigazzjonijiet.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza jagħti l-opinjonijiet tiegħu lid-Direttur Ġenerali, inklużi fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet dwar, fost l-oħrajn, ir-riżorsi meħtieġa biex titwettaq il-funzjoni investigattiva tal-Uffiċċju, dwar il-prijoritajiet investigattivi tal-Uffiċċju u dwar it-tul tal-investigazzjonijiet.

Dawn l-opinjonijiet jistgħu jingħataw fuq inizjattiva tiegħu stess, fuq talba tad-Direttur Ġenerali jew fuq talba ta’ istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija, iżda mingħajr ma jfixklu t-twettiq ta’ investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin.

Il-Kummissjoni tipprovdi lill-Kumitat ta’ Sorveljanza b’segretarjat u tiggarantixxi l-funzjonament indipendenti tiegħu.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza huwa magħmul minn ħames membri indipendenti li għandhom esperjenza f’funzjoni ġudizzjarja jew investigattiva għolja jew funzjoni komparabbli marbuta mal-oqsma ta’ attività tal-Uffiċċju. Il-membri jinħatru bi qbil komuni mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Kummissjoni.

Id-deċiżjoni li taħtar il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tinkludi wkoll lista ta’ riżerva ta’ membri potenzjali biex jissostitwixxi membru wieħed jew aktar tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għall-bqija tal-mandat fil-każ ta’ riżenja, mewt jew inkapaċità permanenti.

Il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu mandat ta’ ħames snin, li ma jistax jiġġedded. Fi tmiem il-mandat tagħhom, jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu sostitwiti. Tliet u żewġ membri jiġu sostitwiti alternattivament sabiex tiġi ppreservata l-ħila esperta tal-Kumitat ta’ Sorveljanza.

Huwa stmat li l-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza se jkollhom jiddedikaw madwar 3 ijiem fix-xahar għal-laqgħat u t-tħejjija. Skont ir-regoli applikabbli tal-Kummissjoni, il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza jirċievu allowance ta’ kuljum ekwivalenti għal 1/22 tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal fl-ewwel skala tal-grad AD 14 (2) (3) għal kull ġurnata maħduma u jiġu rimborżati għall-ispejjeż imġarrba minnhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

2.   KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ

Iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u intitolament għad-drittijiet kollha bħala ċittadini;

L-ebda funzjoni politika wara l-assunzjoni tal-funzjoni, la fil-livell nazzjonali u lanqas f’dak Ewropew;

Il-kandidati ma jistgħux ikunu Membri tal-persunal ta’ istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-UE meta jibdew jaqdu l-funzjoni tagħhom;

Il-kandidati ma jistgħux ikunu membri ta’ servizz nazzjonali ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi skont it-tifsira tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 meta jibdew il-funzjoni tagħhom;

Il-kandidati jenħtieġ li jkollhom għarfien profond ta’ żewġ lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet (il-kandidati għandhom jindikaw ukoll il-livell ta’ għarfien tagħhom ta’ lingwi uffiċjali oħra);

3.   KRITERJI TAL-GĦAŻLA

3.1.   Kriterji professjonali

Esperjenza professjonali rilevanti f’livell għoli ta’ mill-anqas 10 snin, b’mod partikolari

esperjenza professjonali, preferibbilment inkluża esperjenza maniġerjali relatata sinifikanti, bħala prosekutur pubbliku jew imħallef jew avukat jew awditur jew investigatur, speċjalizzat fi frodi, korruzzjoni jew kunflitti ta’ interess (inkluż fil-livell tal-UE),

u/jew

għarfien espert prattiku jew akkademiku fil-liġi kriminali u/jew amministrattiva fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, tal-baġit tal-UE u tal-ġestjoni tal-fondi tal-UE;

u/jew

għarfien espert prattiku jew akkademiku fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali f’investigazzjonijiet amministrattivi.

3.2.   Kriterji personali

Jenħtieġ li jkollhom fehim tajjeb ħafna tal-ħidma tal-OLAF;

Jenħtieġ li jkollhom biżżejjed għarfien ġenerali tal-istituzzjonijiet, tal-politiki, tal-qafas ġuridiku u tal-metodi ta’ ħidma tal-UE;

Jenħtieġ li jkunu disponibbli biżżejjed biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effiċjenti (madwar 3 jum fix-xahar iddedikati għal-laqgħat u t-tħejjija);

4.   PREŻENTAZZJONI TA’ ESPRESSJONIJIET TA’ INTERESS

Il-persuni interessati jenħtieġ li jesprimu l-interess tagħhom permezz tal-applikazzjoni cvOnline (4)

Qabel ma tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek, jeħtieġlek tiċċekkja b’attenzjoni jekk tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà kollha elenkati fil-punt 2 hawn fuq. Jekk ma tissodisfax xi wieħed mir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà, dan ikun ifisser li tiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Biex tirreġistra, irid ikollok indirizz elettroniku validu, li se jintuża biex tiġi kkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jibqa’ jkun hemm kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura. Għaldaqstant, informa lill-Kummissjoni Ewropea b’kull bidla fl-indirizz elettroniku tiegħek.

Biex timla l-applikazzjoni tiegħek, jeħtieġ li ttella’ CV f’format PDF u timla ittra ta’ motivazzjoni online (massimu ta’ 8 000 karattru). Is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-kandidati huma mistiedna jispeċifikaw kull lingwa tal-UE li huma jafu u l-livell korrispondenti ta’ għarfien skont il-Qafas ta’ Referenza Ewropew Komuni għal-Lingwi (5).

Ladarba tkun lestejt ir-reġistrazzjoni online tiegħek, se tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek ġiet irreġistrata. Jekk ma tirċevix ittra ta’ konferma, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata.

Kun af li mhuwiex possibbli li timmonitorja l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Il-Kummissjoni Ewropea tikkuntattjak direttament rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.

Għal aktar informazzjoni u/jew fil-każ ta’ problemi tekniċi, ibgħat ittra elettronika lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Għal raġunijiet funzjonali u biex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll dak tal-istituzzjonijiet, kull intervista li titqies neċessarja mill-bord tal-għażla ssir biss bl-Ingliż (6).

Data tal-għeluq

Id-data ta’ skadenza biex tirreġistra hija l-24 ta’ Settembru 2021. Ir-reġistrazzjoni online ma tkunx possibbli wara nofsinhar (12.00) ħin ta’ Brussell.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li timla r-reġistrazzjoni online fil-ħin. Nagħtuk parir biex ma tħallix għall-aħħar jiem biex tapplika, peress li traffiku tal-Internet qawwi jew problema fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tiegħek tiġi tterminata qabel ma tlestiha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, inti ma tkunx tista’ ddaħħal iktar data. Ma jiġux aċċettati reġistrazzjonijiet li jaslu tard.

5.   PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

Il-Kummissjoni Ewropea se tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-espressjonijiet ta’ interess kollha li tirċievi.

Kumitat konġunt tal-għażla magħmul minn numru ugwali ta’ membri minn kull Istituzzjoni jivvaluta l-espressjonijiet ta’ interess riċevuti u jipproponi lista komuni ta’ ħames kandidati li għandhom jiġu kkonfermati bħala membri bi qbil komuni u mill-inqas seba’ kandidati għal-lista ta’ riżerva.

Wara, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaħtru, bi qbil bejniethom, il-ħames membru tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF kif ukoll lista ta’ riżerva li tal-anqas tinkludi seba’ ismijiet.

Bħala regola ġenerali, il-kandidati magħżula jinħatru jew bħala membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF jew jiġu inklużi f’lista ta’ riżerva. Il-kandidati jiġu kkuntattjati mill-istituzzjonijiet wara li jkun tlesta l-proċess tal-għażla, iżda qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni tal-ħatra, dwar il-possibbiltà li jissemmew fil-lista ta’ riżerva.

Sabiex jiġi implimentat it-tiġdid gradwali previst fl-Artikoli 15 (3) u 21 (2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, il-mandat ta’ żewġ membri ser jibda hekk kif titlesta l-proċedura. Il-mandat tat-tliet membri l-oħra ser jibda f’Jannar 2022.

6.   OPPORTUNITAJIET INDAQS

L-istituzzjonijiet u l-entitajiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea japplikaw politika ta” opportunitajiet indaqs u jaċċettaw applikazzjonijiet mingħajr distinzjoni fuq bażi ta’ ġeneru, razza, kulur, oriġini soċjali jew etnika, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew ta’ natura oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentament sesswali.

7.   INDIPENDENZA U DIKJARAZZJONI TAL-INTERESSI

Qabel ma jibdew il-kompiti tagħhom, il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza iridu jiddikjaraw li se jaħdmu b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u li ma għandhom l-ebda interessi li jkunu jistgħu jitqiesu li jippreġudikaw l-indipendenza tagħhom.

8.   PROTEZZJONI TA’ DATA PERSONALI

Il-Kummissjoni se tiżgura li d-data personali tal-kandidati tkun ipproċessata kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u għas-sigurtà ta’ tali data.


(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1). Kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 49).

(2)  L-għadd medju ta’ jiem ta’ xogħol f’xahar huwa 22.

(3)  L-aġġornament annwali tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea għall-2020 jinsab hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52020XC1211%2801%29&from=FR

(4)  https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/CV_Encadext/index.cfm?fuseaction=premierAcces

(5)  https://www.coe.int/en/web/common-european-framework-reference-languages/table-1-cefr-3.3-common-reference-levels-global-scale

(6)  Il-bord tas-selezzjoni se jiżgura li ma jingħata l-ebda vantaġġ mhux xieraq lill-kelliema nattivi.

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).