ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 125

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 64
12 ta' April 2021


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2021/C 125/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.10167 — Continental/Light control units business of OSRAM Continental) ( 1 )

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2021/C 125/02

Rata tal-kambju tal-euro — Id-9 ta' April 2021

2


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2021/C 125/03

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.10207 — ICG/Dr. Axel Paeger/AMEOS) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

3

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2021/C 125/04

Pubblikazzjoni tad-dokument uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

5


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

12.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.10167 — Continental/Light control units business of OSRAM Continental)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2021/C 125/01)

Fit 6 ta’ April 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32021M10167. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

12.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/2


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Id-9 ta' April 2021

(2021/C 125/02)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1888

JPY

Yen Ġappuniż

130,42

DKK

Krona Daniża

7,4372

GBP

Lira Sterlina

0,86658

SEK

Krona Żvediża

10,1725

CHF

Frank Żvizzeru

1,1010

ISK

Krona Iżlandiża

151,90

NOK

Krona Norveġiża

10,1130

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,945

HUF

Forint Ungeriż

357,97

PLN

Zloty Pollakk

4,5392

RON

Leu Rumen

4,9198

TRY

Lira Turka

9,6903

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5579

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4950

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,2470

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6860

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5941

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 331,28

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

17,3100

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,7934

HRK

Kuna Kroata

7,5755

IDR

Rupiah Indoneżjan

17 354,52

MYR

Ringgit Malażjan

4,9157

PHP

Peso Filippin

57,764

RUB

Rouble Russu

91,8152

THB

Baht Tajlandiż

37,388

BRL

Real Brażiljan

6,6641

MXN

Peso Messikan

23,9374

INR

Rupi Indjan

88,8145


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

12.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/3


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10207 — ICG/Dr. Axel Paeger/AMEOS)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2021/C 125/03)

1.   

Fid-29 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Intermediate Capital Group plc (“ICG”, ir-Renju Unit),

Dr. Axel Paeger (“Dr. Paeger”, ċittadin Ġermaniż),

AMEOS Gruppe AG (“AMEOS”, l-Isvizzera).

ICG u Dr. Paeger jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab (joint venture) ta’ AMEOS.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

ICG: ditta ta’ investiment attiva fl-istrutturar u l-provvista ta’ finanzjament intermedju, kreditu ingranat u ekwità minoritarja u maġġoritarja f’kumpaniji madwar l-Ewropa, l-Asja Paċifiku u l-Istati Uniti tal-Amerka,

Dr. Paeger: fundatur u Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ AMEOS,

AMEOS: operatur privat ta’ sptarijiet ġenerali akuti u sptarijiet psikjatriċi akuti kif ukoll faċilitajiet ta’ kura fit-tul għall-anzjani u ta’ kura mentali fit-tul fil-Ġermanja, l-Awstrija u l-Isvizzera.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.10207 — ICG/Dr. Axel Paeger/AMEOS

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles / Brussel

BELGIQUE / BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

12.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/5


Pubblikazzjoni tad-dokument uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2021/C 125/04)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ din l-emenda minuri tista’ tiġi kkonsultata fil-bażi tad-data tal-Kummissjoni eAmbrosia.

DOKUMENT UNIKU

“TERNERA ASTURIANA”

Nru tal-UE: PGI-ES-0182-AM01 — 4.8.2020

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/Ismijiet

“Ternera Asturiana”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.1. Laħam frisk (u l-ġewwieni)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Laħam taċ-ċanga miksub minn annimali tar-razez Asturiana de los Valles jew Asturiana de la Montaña, jew inkroċjar bejniethom, li twieldu, trabbew u ssemmnu fil-Prinċipat tal-Asturji. L-annimali jistgħu jinkisbu wkoll bl-inkroċjar ta’ rġiel ta’ razza pura tar-razez ta' hawn fuq ma’ nisa li huma ġenetikament imnissla minn dawk iż-żewġ razez tal-Asturji iżda li ma jurux karatteristiċi ta’ purità assoluta tar-razza u għandhom xi karatteristiċi morfoloġiċi li mhumiex konformi mal-istandard tar-razza. L-ommijiet u l-għoġġiela koperti mill-IĠP mhux bilfors iridu jiddaħħlu fil-kotba tal-merħliet uffiċjali taż-żewġ razez.

Il-prodotti huma kategorizzati abbażi tal-età tal-annimal meta jiġi skarnat skont kif ġej:

“Ternera”: inqas minn 12-il xahar;

“Añojo”: bejn 12 u 18-il xahar.

F'kull kategorija, il-prodotti huma differenzjati skont is-sistema Ewropea għall-klassifikazzjoni tal-karkassi kif ġej:

“culón”: karkassi fi klassijiet ta’ konformazzjoni S jew E, ħlief għal annimali tar-razza Asturiana de la Montaña;

“valles”: annimali fi klassijiet ta’ konformazzjoni U jew R, ħlief għal annimali tar-razza Asturiana de la Montaña;

“casín”: annimali tar-razza Asturiana de la Montaña fi klassi ta’ konformazzjoni R jew ogħla.

Biex ikunu eliġibbli, il-karkassi għandhom ikunu fil-klassijiet S-E-U-R skont ir-regoli Ewropej, bi gradi ta’ kopertura tax-xaħam ta’ 2 jew 3, ħlief għall-klassijiet S u E, fejn il-grad 1 huwa permess.

Il-laħam irid ikun frisk jew imkessaħ biss. Il-kulur tal-laħam għandu jkun bejn il-valuri “2” (roża) u “4” (aħmar). Il-laħam għandu jkun niedi fid-dehra. Ix-xaħam għandu jkun ta’ kulur abjad għal abjad krema, mingħajr depożiti.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

L-annimali għandhom jiġu mmaniġġjati u mitmugħa skont il-prattiki tradizzjonali ta’ mmaniġġjar fl-Asturji, abbażi tal-użu tar-riżorsi naturali.

Għandhom jitreddgħu għal mill-inqas l-ewwel 5 xhur ta’ ħajjithom. L-għalf użat għat-tismin għandu jkun naturali u tradizzjonali, u l-użu ta’ sustanzi li jbiddlu r-rati normali ta' tkabbir tal-annimali, joħolqu riskju għall-konsum mill-bniedem jew għandhom effett negattiv fuq il-kwalità tal-laħam, huwa pprojbit.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-annimali jridu jkunu twieldu, trabbew u ssemmnu f’azjendi tal-bhejjem irreġistrati tal-Asturji, għandhom jitbiċċru u jitqiegħdu fis-suq minn entitajiet reġistrati fl-Asturji u għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għall-indikazzjoni ġeografika protetta.

Azjendi tal-bhejjem irreġistrati għall-IĠP “Ternera Asturiana” għandhom ikunu fit-territorju tal-Prinċipat tal-Asturji.

Impjanti tal-ipproċessar, jiġifieri biċċeriji, impjanti tat-tqattigħ u fornituri bl-ingrossa, irreġistrati għall-IĠP “Ternera Asturiana” għandhom ikunu fit-territorju tal-Prinċipat tal-Asturji.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-karkassi kollha koperti mill-IĠP għandhom ikunu ttikkettati b’tikketta nnumerata maħruġa mill-Kunsill Regolatorju, li jkollha l-isem (Indicación Geográfica Protegida “Ternera Asturiana” [Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Ternera Asturiana”]), il-logo, l-ID tal-annimal, ir-razza, l-azjenda li minnha ġie l-annimal u d-data tal-iskarnar, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra ġeneralment meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

Il-laħam destinat għall-konsum għandu jkollu tikketta rreġistrata mill-Kunsill Regolatorju u tikketta sekondarja nnumerata maħruġa mill-Kunsill Regolatorju.

Minbarra t-tikketti mwaħħla mal-prodott, kull karkassa u nofs karkassa għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ garanzija, li, minbarra l-logo “Ternera Asturiana”, għandu jipprovdi informazzjoni dwar ir-razzett tal-oriġini, it-tip u l-ID tal-annimal, l-età tiegħu meta ġie skarnat, il-biċċerija, id-data tal-iskarnar, il-klassifikazzjoni EUROP u l-piż tal-karkassa u d-data minima ta’ durabilità.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika koperta mill-IĠP “Ternera Asturiana” tinkludi t-territorju kollu tal-Prinċipat tal-Asturji.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Fatturi storiċi

Skont it-teorija filoġenetika, ir-razez tal-Asturji huma dixxendenti minn Bos brachyceros europaeus. Sánchez Belda (1984) iddeskriva tliet gruppi ta’ baqar fil-Peniżola Iberika, jiġifieri baqar ħomor konvessi jew Turtedano, baqar suwed ortojdi jew Iberiċi u baqar kannella konvessi jew tal-Cantabria. Ir-razza ta’ baqar Asturiana hija l-iktar razza kannella importanti fil-Peniżola Iberika, f'termini kemm ta' numri kif ukoll tal-karatteristiċi tal-produzzjoni tagħha.

Sánchez Belda u Sánchez Trujillo (1979) qalu dwar il-grupp tal-Cantabria (baqar konkavi kannella) li “d-distribuzzjoni tagħhom tikkoinċidi mal-firxa tal-muntanji tal-Cantabria, li testendi fit-tarf tal-punent sal-art baxxa ta’ Zamora u l-Portugall ... “

Reċentement, il-ġenetika molekulari kkonfermat it-teorija tal-eżistenza ta’ sottogrupp bovin ta' oriġini Indo-Ewropea li huwa ta’ daqs medju jew botni u għandu kulur tal-pil magħmul minn kombinazzjonijiet differenti ta' xagħar iswed u aħmar. Bażikament huwa distint minn żewġ karatteristiċi li ma jvarjawx: il-baqar għandhom estremitajiet u membrani mukużi suwed u l-għoġġiela huma ħomor mat-twelid.

Hemm żewġ razez ta’ baqar tal-Asturji, jiġifieri Asturiana de los Valles u Asturiana de la Montaña. Ma kien hemm l-ebda differenza ċara bejn iż-żewġ tipi li nafu llum sat-tieni deċennju tas-seklu 20, meta awturi bħal Naredo u Bajo (1916) u Abril Brocas (1918) iddeskrivew il-bhejjem f'aktar dettall u ddistingwew żewġ tipi differenti.

L-Asturiana de los Valles kienet oriġinarjament razza bi skop triplu, imrobbija għal-laħam, għall-ħalib u għax-xogħol. Din oriġinat f'muniċipalità kostali (Carreño) u nfirxet madwar ir-reġjun sakemm okkupat in-nofs tal-punent kollu tal-Asturji.

Mis-seklu 11, kien hemm espansjoni kbira fil-biedja tar-razza Asturiana de los Valles, partikolarment fiż-żona ċentrali tal-punent, li wasslet għal kompetizzjoni intensa għar-ragħa, li żdiedet mis-seklu 13 'il quddiem.

Mis-seklu 13, bit-tnaqqis tal-fewdaliżmu, dik is-sistema tal-biedja ġiet sostitwita b'mudelli bħal kuntratti fit-tul għall-użu tal-art (foros), kirjiet u mezzadrija, u fl-aħħar mill-aħħar il-fidwa u x-xiri konġunt minn villaġġi ta’ żoni muntanjużi mhux magħluqa li xi drabi kienu art komuni u xi drabi proprjetà ta’ monasteri jew tan-nobbli. Din kienet is-sitwazzjoni fil-bidu tas-seklu 19, meta kien hemm numru kbir ta’ bhejjem indiġeni mqassma madwar kważi l-Asturji kollha.

Bil-mekkanizzazzjoni tal-biedja u l-introduzzjoni ta’ razez speċjalizzati tal-ħalib, ir-razza tal-Asturji bdiet tintuża dejjem inqas għall-ħalib u għax-xogħol u saret ristretta għal żoni marġinali tal-muntanji tal-Asturji fejn kienet użata sistema ta’ produzzjoni adattata għaż-żona, li t-tekniki u t-tradizzjonijiet tagħha ġew mgħoddija mill-ġenitur għall-wild sal-lum. Dik is-sistema ta’ produzzjoni tikkonsisti prinċipalment f’żoni żgħar ta’ għelejjel, imkabbra għall-konsum tal-familja, u mergħat naturali fil-widien u fuq ix-xaqlibiet tal-muntanji, użati għar-ragħa tal-annimali fir-rebbiegħa u l-ħarifa, u l-għalf imkabbar hemm matul is-sajf jiġi ppreżervat bħala ħuxlief u użat bħala għalf fix-xitwa. Il-mergħat għoljin tal-muntanji, li s-soltu huma art komuni u huma mxerrda bi msaġar ħorfija, jintużaw għar-ragħa matul is-sajf, meta l-bhejjem jiċċaqalqu mill-elevazzjonijiet l-aktar baxxi għal dawk aktar għoljin hekk kif jasal l-istaġun sħun. Is-sistema tal-produzzjoni tal-bhejjem ibbażata fuq biedja estensiva tal-baqar indiġeni bi transumanza bejn il-mergħat għoljin u l-widien ikkontribwiet għall-mudell attwali tal-użu tal-art, b’ċentri ta’ popolazzjoni żgħar mifruxa tul ir-rotot ta’ transumanza, mill-abitazzjonijiet tax-xitwa fil-villaġġi u l-irħula għall-kabini fl-ogħla mergħat, li jintużaw illum għal perjodi qosra frekwenti matul is-sajf.

Ir-razza Asturiana de la Montaña hija maħsuba li kellha l-oriġini ġeografika tagħha fil-muniċipalità ta’ Caso, u huwa għalhekk li hija magħrufa popolarment bħala l-baqra “casina”. Il-bdiewa tal-bhejjem tradizzjonalment għamlu użu mill-mergħat komunali tal-irħula mill-aħħar tar-rebbiegħa sal-ħarifa, segwiti minn transumanza lejn żoni kostali (minn Villaviciosa sa Llanes). Iċ-ċiklu kien jitlesta minn soġġorni intermedjarji qosra fil-villaġġi jew postijiet tax-xitwa, relattivament qrib l-irħula, fejn il-bhejjem kienu jirgħu l-mergħat u jieklu l-ħaxix imnixxef miġbur matul is-sajf.

Iż-żoni li fihom ġew introdotti jew stabbiliti u fejn huma mrobbija bħalissa huma kkaratterizzati minn ekosistemi ħarxa ħafna, li għalihom ir-razza hija adattata sew, li jwettqu rwol importanti fil-konservazzjoni tal-ambjent naturali u l-kampanja, filwaqt li jgħinu biex jinżamm l-insedjament uman f’żoni muntanjużi.

5.2.   Fatturi naturali

Orografija

Aspetti fiżiċi notevoli tal-orografija tar-reġjun huma l-istrata ta’ altitudnijiet differenti u l-firxa tagħhom, li testendi minn altitudni minima ta’ 0 m (livell tal-baħar) sa massimu ta’ 2 648 m (Torre Cerreu). Aktar minn nofs it-territorju għalhekk għandu altitudni ta’ 'l fuq minn 400 m, u aktar minn kwart huwa 'l fuq minn 800 m. Dan kien fattur determinanti għall-klima, il-bijoloġija u s-soċjoloġija tar-reġjun matul is-sekli.

Klima

Il-pożizzjoni ġeografika tal-Asturji fil-latitudnijiet tan-nofs tal-emisfera tat-Tramuntana tfisser li għandha klima umda u moderata.

Barra minn hekk, id-dinamika atmosferika hija influwenzata sa ċertu punt min-natura muntanjuża tar-reġjun, li tirriżulta fil-moviment tal-mases tal-arja, u toħloq mużajk dinamiku ħafna ta' tipi klimatiċi, bi frekwenza simili ta’ sitwazzjonijiet ċikloniċi u antiċikloniċi, li tispjega d-distribuzzjoni uniformi ta’ xita matul is-sena (1 000 mm), bl-aktar u l-inqas xita tinżel fix-xitwa u fis-sajf, u t-temp li jinbidel ħafna fir-rebbiegħa u l-ħarifa.

Veġetazzjoni

Il-veġetazzjoni tal-Asturji hija tipika ta’ reġjun tal-Atlantiku ddominat minn foresti li jwaqqgħu l-weraq, li jiffjorixxu bis-saħħa tax-xita qawwija tar-reġjun u t-temperaturi moderati, iżda hija influwenzata wkoll minn fatturi pedoloġiċi, klimatiċi u bijotiċi.

Saffi differenti ta’ veġetazzjoni jistgħu jiġu distinti skont il-klima, influwenzati minn varjazzjonijiet fit-temperatura, u fuq il-bażi ta' riljev.

L-ewwel, il-foresti tal-ballut, tal-fagu u tal-betula, f'dik l-ordni, jistgħu jiġu distinti b'altitudni li dejjem tiżdied. Imbagħad, 'il fuq minn 1 600 m, il-veġetazzjoni tikkonsisti f’arbuxelli xeblieka, u 'l fuq minn 2 200 m hemm biss mergħat.

Huwa importanti li jiġi enfasizzat il-fattur bijotiku, li huwa marbut mal-ħsad tal-injam jew mal-użu alternattiv tal-art tal-foresta għall-kultivazzjoni u r-ragħa, li gradwalment biddlu l-veġetazzjoni taż-żona, b’bosta foresti tal-koniferi li s-soltu jinsabu fiż-żoni eqreb tal-kosta bħala riżultat ta’ stokkjar mill-ġdid u bosta mergħat f'żoni ta' altitudni baxxa u medja. Flimkien mal-mergħat ta’ altitudni għolja, dawn iddeterminaw il-mod kif jitrabbew il-baqar taċ-ċanga tal-Asturji. Il-mergħat naturali jammontaw għal 25,3 % tal-erja totali tal-Prinċipat tal-Asturji, u ilhom jiżdiedu matul l-aħħar ftit snin hekk kif il-kultivazzjoni ta' mergħat artifiċjali waqfet.

Il-mergħa tipika f'altitudni ta’ bejn 800 m u 1 700 m hija botanikament simili ħafna għall-mergħat naturali, bid-differenza li l-kopertura tal-ħaxix naturali tagħha hija maħsuda esklużivament mir-ragħa. Il-mergħat tal-muntanji jammontaw għal 1,2 % tal-erja totali tar-reġjun. Dawn il-mergħat ta’ altitudni għolja huma magħmula prinċipalment minn speċi ta' valur agrikolu, bħal ħaxix, legumi u Labiatae, li jagħmluhom adattati għal-baqar li jirgħu.

L-art b’siġar mhux żviluppati tokkupa 20,15 % taż-żona fejn il-baqar taċ-ċanga indiġeni jistgħu jirgħu skont sistema ta' biedja estensiva.

5.3.   Kundizzjonijiet ta’ produzzjoni

Hemm tliet tipi ta’ biedja, skont il-pożizzjoni ġeografika u r-riżorsi tal-għalf disponibbli. It-tliet sistemi użati huma tradizzjonali, semintensivi jew parzjalment fl-istalel, u mergħa mtejba.

Is-sistema tradizzjonali

Ir-razza hija mrobbija b'mod tradizzjonali fiż-żoni muntanjużi tal-Punent tan-Nofsinhar ċentrali tal-Asturji, minn Aller sal-muntanji ta' Cangas del Narcea. L-azjendi huma ġeneralment żgħar u jiddependu ħafna fuq żoni ta’ mergħat komuni (mergħat tal-muntanji), fejn ħafna mill-għoġġiela jitwieldu bejn l-aħħar tax-xitwa u l-bidu tar-rebbiegħa. Is-sistema hija bbażata fuq l-użu ta’ mergħat qrib l-azjenda fir-rebbiegħa u l-ħarifa, sakemm il-borra tagħmilha neċessarja li l-annimali jitqiegħdu fl-istalel, u fuq ir-ragħa fuq mergħat tal-muntanji fis-sajf, li huwa meta l-mergħat jinħasdu biex jagħmlu l-għalf tax-xitwa għall-merħla.

Is-sistema semintensiva

Is-sistema ta’ ġestjoni semintensiva tintuża fiż-żoni kostali baxxi tal-Asturji. Dawn iż-żoni għandhom art favorevoli għal attivitajiet agrikoli, li jippermettu l-użu ta’ reġim ta' għalf aktar sofistikat mis-sistema tradizzjonali. Id-dieta tal-annimali hija bbażata fuq il-ħżin tal-qamħirrum, il-mergħa, il-ħaxix imnixxef, il-ħaxix frisk fil-maxtura u l-għalf. L-inseminazzjoni artifiċjali tintuża ħafna, allura t-twelid huwa mifrux matul is-sena.

Fix-xitwa, l-annimali jitqiegħdu fl-istalel. Fir-rebbiegħa u l-ħarifa, jirgħu l-mergħat fir-razzett u fl-għoljiet fil-viċin imma jitqiegħdu fl-istalel matul il-lejl. Fis-sajf, il-baqar li jkunu welldu jinżammu ġeneralment fl-istalel matul il-ġurnata u jinħarġu għall-mergħa meta jidlam, waqt li l-baqar niexfa u l-erħiet iqattgħu l-ġurnata kollha barra.

Is-sistema ta’ mergħa mtejba

Din hija sistema ta’ biedja tipika tal-punent tal-Asturji (l-aktar il-muniċipalitajiet ta’ Óscos, Allande u Tineo). L-azjendi fejn tintuża, għalkemm xi drabi jkunu relattivament 'il fuq ħafna mil-livell tal-baħar, huma fuq art pjuttost imżerżqa adattata għall-biedja mekkanizzata, li tiffaċilita l-isfruttament tagħhom.

Ġeneralment, dawn l-azjendi huma kbar, b'numru kbir ta’ digi, u joperaw sistema bbażata fuq mergħa permanenti matul is-sena, li tagħmilha aktar faċli biex il-merħla tiġi mmaniġġjata. Il-bhejjem jinġiebu ġewwa biss f'każ ta’ ħafna borra, f'liema każ jiġu mitmugħa ħaxix maħżun u, sa ċertu punt, ħaxix imnixxef.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament)

https://www.asturias.es/Asturias/descargas/PDF_TEMAS/Agricultura/Alimentaci%C3%B3n/2019_10_03_ternera_asturiana_modif.pdf


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.