ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 61A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 64
22 ta' Frar 2021


Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2021/C 61 A/01

Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) — Pubblikazzjoni ta’ post vakanti għall-kariga ta’ Direttur tad-Direttorat A Nefqa – Operazzjonijiet u Investigazzjonijiet (grad AD 14) — Il-Belġju/Brussell — (l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal) — COM/2021/10399

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

22.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 61/1


Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

Pubblikazzjoni ta’ post vakanti għall-kariga ta’ Direttur tad-Direttorat A “Nefqa – Operazzjonijiet u Investigazzjonijiet” (grad AD 14) — Il-Belġju/Brussell

(l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal)

COM/2021/10399

(2021/C 61 A/01)

 

Min aħna

Il-ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea hija ċentrali għall-kredibilità tal-proġett Ewropew.

Il-missjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) tinqasam fi tlieta: huwa jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (UE) billi jinvestiga l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra; jikxef u jinvestiga kwistjonijiet serji marbutin mal-qadi ta’ dmirijiet professjonali mill-membri u mill-persunal tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-UE li jistgħu jwasslu għal proċedimenti dixxiplinari jew kriminali; u jappoġġa l-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari l-Kummissjoni Ewropea, fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni u politiki kontra l-frodi.

L-OLAF huwa Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, iżda għandu indipendenza statutorja fit-twettiq tal-investigazzjonijiet. L-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva tiegħu hija mmonitorjata minn Kumitat Superviżorju magħmul minn ħames persuni indipendenti esterni għall-Kummissjoni Ewropea.

Id-Direttorati Operazzjonali fi ħdan l-OLAF huma responsabbli għall-investigazzjonijiet, appoġġati miċ-Ċentru tal-Għarfien u Direttorat għall-Affarijiet Ġenerali, li jimmaniġġja l-amministrazzjoni tal-OLAF.

Id-Direttorat “Nefqa – Operazzjonijiet u Investigazzjonijiet” tal-OLAF (OLAF.A) jipproteġi l-interessi finanzjarji u r-reputazzjoni tal-UE billi jwettaq investigazzjonijiet u operazzjonijiet amministrattivi dwar frodi, korruzzjoni u irregolaritajiet serji oħra kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

Id-Direttorat jikkonsisti f’ħames Unitajiet li jinkludu madwar 100 membru tal-persunal, prinċipalment investigaturi speċjalizzati minn varjetà ta’ sfondi professjonali, inklużi ex prosekuturi pubbliċi, uffiċjali tal-pulizija u awdituri.

L-Unità A.1 twettaq investigazzjonijiet interni fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji Ewropej kollha stabbiliti mit-Trattati tal-UE jew abbażi tagħhom. L-Unità A.2 tinvestiga allegazzjonijiet fil-qasam tan-nefqa diretta implimentata mill-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenziji Eżekuttivi tal-UE, l-Aġenziji Deċentralizzati tal-UE, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u l-Impriżi Konġunti kif ukoll fil-qasam tal-infiq amministrattiv tal-Istituzzjonijiet, il-Korpi, l-Uffiċċji u l-Aġenziji tal-UE. L-Unitajiet A.3, A.4 u A.5 iwettqu investigazzjonijiet u operazzjonijiet fil-qasam tan-nefqa tal-UE taħt il-Politika Agrikola Komuni, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) u fondi oħra ta’ ġestjoni kondiviża. Dawn it-tliet Unitajiet jaġixxu wkoll fil-qasam tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni għall-iżvilupp rurali u l-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-pajjiżi kandidati/kandidati potenzjali u l-Istati Membri taħt l-Istrument għall-Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA).

Id-Direttorat isegwi wkoll il-progress tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet finanzjarji, ġudizzjarji u dixxiplinarji relatati mal-każijiet rispettivi tagħhom u jirreġistra l-eżitu tal-azzjonijiet meħuda mill-Istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji l-oħra tal-UE u mill-awtoritajiet nazzjonali.

Id-Direttur jinsab fi Brussell u jopera f’kooperazzjoni mill-qrib mad-Deputat Direttur Ġenerali tal-OLAF, u taħt is-superviżjoni ġenerali tad-Direttur Ġenerali.

Il-qafas ġuridiku li jistabbilixxi l-objettivi u l-kompiti tal-OLAF, kif ukoll il-funzjonament tiegħu jista’ jinsab fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Għal aktar informazzjoni dwar l-OLAF kif ukoll dwar l-organigramma tiegħu, ara: https://ec.europa.eu/info/departments/european-anti-fraud-office_mt.

X’qed nipproponu

Il-pożizzjoni ta’ Direttur, responsabbli għall-għoti ta’ orjentazzjoni strateġika u ġestjoni xierqa tar-riżorsi tad-Direttorat f’konformità mad-dikjarazzjoni tal-missjoni u l-programm ta’ ħidma annwali.

Taħt is-superviżjoni tad-Direttur Ġenerali u d-Deputat Direttur Ġenerali, id-Direttur:

Jissorvelja t-twettiq ta’ investigazzjonijiet li jwasslu għall-adozzjoni ta’ rapporti finali u rakkomandazzjonijiet possibbli, li jiġu riferuti lill-awtoritajiet tal-Istituzzjonijiet Ewropej għal prosekuzzjoni possibbli, irkupru finanzjarju, segwitu amministrattiv u/jew azzjoni dixxiplinarja, u – fejn rilevanti – lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri għal prosekuzzjoni possibbli.

Ifassal u jimplimenta l-istrateġija investigattiva tal-OLAF fil-ġlieda kontra l-frodi, l-attivitajiet illegali u l-korruzzjoni, fl-oqsma kollha ta’ responsabbiltà tad-Direttorat;

Jiżgura ppjanar u ġestjoni effettivi tal-attivitajiet tad-Direttorat (jiżgura l-istandards ta’ kwalità, il-monitoraġġ tal-iskadenzi, il-fluss tax-xogħol, il-progress u l-ilħuq tal-objettivi);

Iwettaq superviżjoni tal-ħidma tal-Kapijiet ta’ Unità u jikkontrolla l-prestazzjoni tad-Direttorat;

Jiżgura ppjanar, implimentazzjoni u ġestjoni effettivi tar-riżorsi umani u finanzjarji tad-Direttorat kif ukoll l-allokazzjoni effettiva tagħhom fost l-Unitajiet f’kooperazzjoni mad-Deputat Direttur Ġenerali;

L-isfida ewlenija hija li tkompli tiġi żviluppata l-attività operazzjonali tal-OLAF, b’mod partikolari fir-rigward ta’ oqsma ta’ riskju ogħla, f’kuntest istituzzjonali li qed jinbidel u b’kont meħud tar-riorjentazzjoni kontinwa tan-nefqa tal-UE li se tiġġenera xejriet ġodda ta’ frodi. L-indirizzar ta’ din l-isfida jeħtieġ investigazzjonijiet effettivi, u l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni dejjiema mal-Istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej, mal-awtoritajiet nazzjonali u mas-sħab internazzjonali.

X’qed infittxu

Il-kandidat ideali jkun professjonist dinamiku u li jispikka li għandu jissodisfa l-kriterji tal-għażla li ġejjin:

Kwalitajiet Personali

Kapaċità ppruvata ta’ ppjanar u prijoritizzazzjoni;

Kapaċità ppruvata, biex jistabbilixxi kuntatti u jikkoordina b’mod effettiv fi ħdan l-OLAF u s-servizzi tal-Kummissjoni, ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE u mas-sħab tal-OLAF fl-Istati Membri, fil-pajjiżi terzi u fl-organizzazzjonijiet internazzjonali;

Kapaċità li jiddiskuti b’mod effettiv mal-partijiet ikkonċernati interni u esterni f’livell għoli;

Kapaċità li jaħdem b’mod effettiv taħt pressjoni;

Kapaċità li jaħdem b’diskrezzjoni assoluta u li juri kapaċità soda ta’ ġudizzju tas-sitwazzjonijiet fi kwistjonijiet li jikkonċernaw informazzjoni sensittiva.

Ħiliet u esperjenza speċjalizzati

Esperjenza professjonali estensiva f’livell għoli fit-twettiq tal-investigazzjonijiet;

Fehim tajjeb ħafna tal-proċess investigattiv f’każijiet kontra l-frodi u tal-mekkaniżmi biex jiġu żgurati l-effiċjenza u l-legalità tiegħu;

Għarfien tajjeb ħafna u esperjenza prattika fil-ġestjoni ta’ kwistjonijiet baġitarji, finanzjarji u tar-riżorsi umani;

Għarfien tajjeb tar-rwol tal-OLAF, il-missjoni tiegħu, il-kompetenzi, kif ukoll tal-kuntest li fih jopera l-OLAF;

Għarfien espert jew esperjenza ppruvata f’pożizzjoni ġudizzjarja għolja jew f’pożizzjoni investigattiva eżekuttiva tkun ta’ vantaġġ; l-esperjenza internazzjonali li ġejja titqies bħala vantaġġ;

Għarfien ġenerali tajjeb tal-qafas istituzzjonali u legali tal-Unjoni Ewropea u tal-metodi ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea jkun vantaġġ.

Ħiliet fl-immaniġġjar

Kapaċità li jmexxi organizzazzjoni kumplessa f’ambjent multidixxiplinarju u multikulturali;

Ħiliet ta’ tmexxija ppruvati u kapaċità li jidderieġi u jimmotiva investigaturi u professjonisti amministrattivi esperjenzati minn varjetà wiesgħa ta’ sfondi professjonali u nazzjonali;

Kapaċità tajba ħafna biex jiġġestixxi b’mod effiċjenti l-prijoritajiet u l-objettivi u biex jaħdem b’mod flessibbli f’termini ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi (umani u finanzjarji) bejn l-Unitajiet u biex imexxi d-Direttorat f’perspettiva strateġika;

Ħiliet analitiċi b’saħħithom, bil-kapaċità li jiżviluppa u jiġġenera għanijiet strateġiċi, biex isarrafhom fi proposti prattiċi għal azzjoni u biex isolvi kwistjonijiet organizzattivi u operazzjonali.

Kundizzjonijiet essenzjali (ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà)

Il-kandidati se jiġu biss ikkunsidrati għall-fażi tal-għażla abbażi tar-rekwiżiti formali segwenti li għandhom jiġu ssodisfati sal-iskadenza tal-applikazzjonijiet:

Nazzjonalità: il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Lawrja jew diploma tal-università: il-kandidati jrid ikollhom:

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’(4) snin jew aktar;

jew livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet (3) snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali postgradwatorja meħtieġa hawn taħt).

Esperjenza professjonali: il-kandidati għandu jkollhom esperjenza professjonali postgradwatorja ta’ mill-inqas 15-il sena (2) wara l-kisba tal-lawrja f’livell li jagħtu aċċess għalih il-kwalifiki msemmija hawn fuq. Mill-inqas ħames snin minn dik l-esperjenza professjonali għandhom ikunu relatati mill-qrib ma’ din il-kariga.

Esperjenza maniġerjali: mill-inqas ħames snin minn din l-esperjenza professjonali postgradwatorja trid tkun inkisbet f’funzjoni simili ta’ livell għoli (3) f’qasam rilevanti għal din il-pożizzjoni.

Lingwi: il-kandidati jrid ikollhom għarfien sħiħ ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4) u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi uffiċjali. Matul l-intervista/i, il-bordijiet tal-għażla jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li parti mill-intervista ssir f’din il-lingwa l-oħra.

Limitu tal-età: il-kandidati ma jridux ikunu laħqu l-età regolari tal-irtirar, li għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hija ddefinita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tkun għalqet is-66 sena (ara l-Artikolu 52 lit (a) tar-Regolamenti tal-Persunal (5)).

L-għażla u l-ħatra

Il-Kummissjoni Ewropea tagħżel u taħtar lid-Direttur tagħha skont il-proċeduri tal-għażla u tar-reklutaġġ tagħha (ara: id-Dokument dwar il-Politika għall-Uffiċjali f’Kariga Għolja (6)).

Bħala parti mill-proċedura tal-għażla, il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi bord ta’ preselezzjoni. Dan il-bord janalizza l-applikazzjonijiet kollha, jipproċedi bl-ewwel verifika tal-eliġibbiltà u jidentifika l-kandidati li jkollhom l-aħjar profil fid-dawl tal-kriterji tal-għażla msemmija hawn fuq, u li jkunu jistgħu jiġu mistiedna għal intervista mal-bord tal-preselezzjoni.

B’segwitu ta’ dawn l-intervisti, il-bord tal-preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta’ kandidati għal intervisti ulterjuri mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet (CCA) tal-Kummissjoni Ewropea. Is-CCA, filwaqt li jqis il-konklużjonijiet tal-bord tal-preselezzjoni, jiddeċiedi dwar il-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista mas-CCA jipparteċipaw għal ġurnata sħiħa f’ċentru ta’ valutazzjoni tal-maniġment immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-intervista u r-rapport taċ-ċentru ta’ valutazzjoni, is-CCA jistabbilixxi lista preliminari tal-kandidati li jikkunsidra xierqa biex jaqdu l-funzjonijiet ta’ Direttur.

Il-kandidati fuq il-lista preliminari tas-CCA jiġu intervistati mill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-OLAF.

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni Ewropea tieħu deċiżjoni dwar il-ħatra.

Il-kandidati jridu jkunu wettqu kull obbligu impost mil-liġi dwar is-servizz militari, jipproduċu r-referenzi tal-karattru adatti rigward l-idoneità tagħhom għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom u għandhom ikunu fiżikament f’saħħithom biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom.

Il-kandidat magħżul għandu jkollu, jew ikun f’pożizzjoni li jikseb, ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà mingħand l-awtorità tas-sigurtà nazzjonali tiegħu. Approvazzjoni tas-sigurtà personali hija deċiżjoni amministrattiva wara proċess ta’ investigazzjoni tas-sigurtà mwettaq mill-awtorità nazzjonali kompetenti tas-sigurtà tal-individwu, skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli tas-sigurtà, u li tiċċertifika li individwu jkun jista’ jingħata aċċess għal informazzjoni klassifikata sa livell speċifikat. (Kun af li jista’ jingħata bidu għall-proċedura meħtieġa biex tinkiseb approvazzjoni tas-sigurtà biss wara li ssir talba mill-impjegatur, u mhux mill-kandidat individwali).

Sakemm issir l-approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal mill-Istat Membru kkonċernat u titlesta l-proċedura ta’ approvazzjoni flimkien mat-tgħarrif obbligatorju meħtieġ legalment mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, il-kandidat mhux se jkun jista’ jaċċessa l-informazzjoni klassifikata tal-UE (IKUE) fil-livell ta’ CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla minnu, u lanqas ma jkun jista’ jattendi laqgħat li fihom tali IKUE tkun qed tiġi diskussa.

Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll tal-istituzzjoni, il-proċedura tal-għażla ssir biss bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż (7).

Opportunitajiet indaqs

F’konformità mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem favur l-objettiv strateġiku li tikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’kull livell tal-maniġment sa tmiem il-mandat attwali tagħha u tapplika politika ta’ opportunitajiet ugwali li tinkoraġġixxi applikazzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu lejn aktar diversità, ugwaljanza bejn il-ġeneri u bilanċ ġeografiku ġenerali.

Kundizzjonijiet tal-impjieg

Is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidat magħżul jiġi reklutat bħala uffiċjal fil-grad AD 14. Huwa/hija jiġi/tiġi kklassifikat(a) skont it-tul tal-esperjenza professjonali preċedenti tiegħu/tagħha fl-iskala 1 jew l-iskala 2 f’dak il-grad.

Il-kandidati għandhom jieħdu nota tar-rekwiżit skont ir-Regolamenti tal-Persunal għall-persunal ġdid kollu li jrid itemm b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur.

Il-post tal-impjieg huwa Brussell, il-Belġju.

Indipendenza u dikjarazzjoni ta’ interessi

Qabel jibda jaqdi dmirijietu, id-Direttur Eżekuttiv jintalab jagħmel dikjarazzjoni ta’ impenn li jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u jiddikjara kull interess li jista’ jitqies bħala li jippreġudika l-indipendenza tiegħu.

Il-proċedura ta’ applikazzjoni

Qabel tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, jenħtieġ li tivverifika bir-reqqa jekk tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà kollha (il-“Kundizzjonijiet essenzjali”), b’mod partikolari dawk marbutin mat-tip ta’ diplomi, l-esperjenza professjonali ta’ livell għoli kif ukoll il-kompetenza lingwistika meħtieġa. Min ma jissodisfax xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk trid tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet fuq is-sit web li ġej u ssegwi l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan se jintuża biex tiġi kkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex matul l-istadji differenti tal-proċedura jibqa’ jkun hemm kuntatt miegħek. Għaldaqstant, jekk jogħġbok, żomm lill-Kummissjoni Ewropea informata dwar kull tibdil fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jeħtieġ li ttella’ CV fil-format PDF u timla’ online ittra ta’ motivazzjoni (massimu ta’ 8 000 karattru). Is-CV u l-ittra tiegħek ta’ motivazzjoni jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ladarba tkun lestejt ir-reġistrazzjoni online tiegħek, se tirċievi email li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek tkun ġiet irreġistrata. Jekk ma tirċievi l-ebda konferma bil-posta elettronika b’numru ta’ reġistrazzjoni, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Jekk jogħġbok kun af li mhuwiex possibbli li żżomm taħt monitoraġġ il-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Il-Kummissjoni Ewropea se tikkuntattjak direttament rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.

Jekk teħtieġ iktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Id-data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija t-22 ta’ Marzu 2021, 12.00 nofsinhar, ħin ta’ Brussell, u wara din id-data ma jkunx iktar possibbli li tirreġistra.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li timla r-reġistrazzjoni online fil-ħin. Aħna nagħtuk parir qawwi biex ma tħallix għall-aħħar jiem biex tapplika, peress li traffiku tal-Internet qawwi jew problema fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tiegħek tiġi tterminata qabel ma tlestiha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, inti ma tkunx tista’ ddaħħal iktar data. Mhux se jiġu aċċettati reġistrazzjonijiet li jaslu tard.

Informazzjoni importanti għall-kandidati

Il-kandidati huma mfakkra li l-ħidma tal-bordijiet differenti tas-selezzjoni hija kunfidenzjali. Il-kandidati ma jistgħux jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri individwali ta’ dawn, u lanqas ma jista’ xi ħadd f’isimhom. Il-mistoqsijiet kollha jridu jiġu indirizzati lis-segretarjat tal-bord rilevanti.

Protezzjoni ta’ data personali

Il-Kummissjoni se tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif jeżiġi r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali data (8).


(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(2)  L-esperjenza professjonali titqies biss jekk tkun tirrappreżenta relazzjoni ta’ ħidma konkreta definita bħala ħidma ġenwina u reali, bi ħlas u bħala impjegat (kull tip ta’ kuntratt) jew fornitur ta’ servizz. L-attivitajiet professjonali li jkunu saru fuq bażi part-time għandhom jiġu kkalkulati pro rata, abbażi tal-perċentwali ċċertifikata ta’ sigħat full-time li jkunu nħadmu. Il-liv tal-maternità/tal-ġenituri/għall-adozzjoni, jitqies jekk ikun fil-qafas ta’ kuntratt ta’ xogħol. Id-dottorati (PhD) huma assimilati mal-esperjenza professjonali, anki meta mhux bi ħlas, iżda għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin, dment li d-dottorat ikun tlesta b’suċċess. Perjodu partikolari jista’ jingħadd darba biss.

(3)  Fil-curriculum vitae tagħhom, il-kandidati għandhom jispeċifikaw b’mod ċar, għas-snin kollha li matulhom kisbu l-esperjenza maniġerjali: (1) it-titolu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kellhom; (2) l-għadd ta’ persunal li jkunu mexxew f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits ġestiti; (4) l-għadd ta’ livelli ġerarkiċi ta’ fuqhom u ta’ taħthom; u (5) in-numru ta’ persuni fl-istess livell.

(4)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01958R0001-20130701&qid=1408533709461&from=EN

(5)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20140701&from=MT

(6)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/compilation-of-the-senior-official-policy-at-the-european-commission_en.pdf

(7)  Il-bordijiet tal-għażla jiżguraw li ma jingħata l-ebda vantaġġ inġust lill-kelliema nattivi ta’ dawn il-lingwi.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).