ISSN 1977-0987 |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 57A |
|
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 64 |
Werrej |
Paġna |
|
|
V Avviżi |
|
|
PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI |
|
|
Il-Qorti tal-Awdituri |
|
2021/C 57 A/01 |
MT |
|
V Avviżi
PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI
Il-Qorti tal-Awdituri
17.2.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 57/1 |
AVVIŻ TA’ POST VAKANTI ECA/2021/1
Direttur — post wieħed
(Grupp tal-funzjoni AD, grad 14)
Segretarjat Ġenerali — Direttorat Riżorsi Umani, Finanzi u Servizzi Ġenerali (SG1)
(2021/C 57 A/01)
MIN AĦNA
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur estern tal-Unjoni Ewropea. Il-QEA ġiet stabbilita fl-1975, u hija waħda mis-seba’ istituzzjonijiet tal-UE. Is-sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu u hemm madwar 900 membru tal-persunal, min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE, impjegati f’din l-istituzzjoni fil-qasam tal-awditjar, ta’ appoġġ u f’dak amministrattiv.
Il-QEA topera bħala korp kolleġġjali ta’ 27 Membru, wieħed minn kull Stat Membru tal-UE. L-awdituri tagħna jivverifikaw li l-kontijiet tal-UE jinżammu tajjeb u li din tapplika r-regoli finanzjarji tagħha b’mod korrett, kif ukoll li l-politiki u l-programmi tagħha jilħqu l-objettivi intenzjonati tagħhom u jipprovdu valur għall-flus.
Permezz ta’ xogħolna, aħna nikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza. Hija twissi dwar il-possibbiltà ta’ riskji, tipprovdi aċċertament, tindika fejn ikun hemm nuqqasijiet u suċċessi, u toffri gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE. Il-Qorti tippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-UE, lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali.
Fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-QEA, il-missjoni tad-Direttorat Riżorsi Umani, Finanzi u Servizzi Ġenerali hija li jgħin lill-istituzzjoni biex tilħaq l-objettivi strateġiċi tagħha billi jiżgura l-użu effettiv u effiċjenti tar-riżorsi umani u finanzjarji tagħha u billi jivverifika l-preċiżjoni tad-dokumentazzjoni amministrattiva u finanzjarja.
Biex iwettaq il-missjoni tiegħu, id-Direttorat jimpjega l-persunal tiegħu b’mod effettiv u effiċjenti, jeżegwixxi l-baġit rilevanti u jiffaċilita l-funzjonament tal-QEA permezz ta’ servizzi affidabbli u ta’ kwalità għolja f’dak li jirrigwarda s-sigurtà u s-sikurezza, it-trasport, il-konsenja tal-posta, l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti u l-assistenza medika.
X’QEGĦDIN NOFFRU
Il-kandidat magħżul se jiġi rreklutat fil-grad AD14. Is-salarju bażiku ta’ kull xahar huwa ta’ EUR 14 838. Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, ċerti benefiċċji jistgħu jiġu miżjuda mas-salarju bażiku, li huwa suġġett għat-taxxa tal-UE u huwa eżentat mit-taxxa nazzjonali.
Id-Direttur ta’ Riżorsi Umani, Finanzi u Servizzi Ġenerali huwa impjegat taċ-ċivil ta’ grad għoli u għandu r-responsabbiltà li:
— |
ifassal u jissorvelja l-politiki rilevanti, jimmaniġġja d-Direttorat u jieħu deċiżjonijiet operazzjonali fuq il-bażi tal-programm ta’ ħidma tas-Segretarjat Ġenerali, |
— |
ifassal u jimplimenta l-programm ta’ ħidma annwali, u jħejji rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm, |
— |
jissorvelja, jimmonitorja u jikkoordina l-użu li jsir mir-riżorsi umani u finanzjarji fi ħdan id-Direttorat u s-Segretarjat Ġenerali, |
— |
jissorvelja, jimmonitorja u jikkoordina l-użu effiċjenti ta’ għodod speċifiċi għar-riżorsi umani, għall-finanzi u għas-servizzi, |
— |
jirrappreżenta l-istituzzjoni u d-Direttorat f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni interistituzzjonali u internazzjonali fi ħdan il-qasam ta’ kompetenza tiegħu, |
— |
jimmonitorja l-kwalità tas-sistemi ta’ kontroll intern u ġestjoni li jintużaw mid-Direttorat; |
— |
jiżgura li r-regoli, ir-regolamenti u l-proċeduri rilevanti jiġu osservati, |
— |
jiżgura li jinżammu l-istandards tal-kwalità u li jiġu rrispettati d-dati ta’ skadenza. |
Huwa jkollu l-opportunità li jaħdem f’ambjent dinamiku, fejn jintużaw teknoloġiji mill-aktar avvanzati u metodi ta’ ħidma innovattivi.
X’QEGĦDIN INFITTXU
I. KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ
1. Kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ
Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kandidati jridu, fid-data tal-applikazzjoni tagħhom:
— |
ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE; |
— |
igawdu mid-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini; |
— |
ikunu wettqu kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet ta’ reklutaġġ dwar is-servizz militari; u |
— |
jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar il-karattru meħtieġa għad-dmirijiet involuti. |
2. Kwalifiki
Skont l-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal:
(i) |
livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kkompletati u ċċertifikati b’lawrja meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar, jew |
(ii) |
livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kkompletati u ċċertifikati b’lawrja, kif ukoll esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ mill-inqas tliet snin, jew |
(iii) |
fejn ikun iġġustifikat fl-interess tas-servizz, livell ekwivalenti ta’ taħriġ professjonali. |
3. Esperjenza professjonali
Mill-anqas 18-il sena ta’ esperjenza professjonali ddokumentata, minn meta tkun inkisbet il-kwalifika msemmija hawn fuq, inkluż mill-anqas 4 snin fil-ġestjoni tar-riżorsi umani jew baġitarji.
4. Għarfien tal-lingwi
Billi l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi uffiċjali ta’ ħidma tal-QEA, huwa meħtieġ għarfien tajjeb ħafna f’waħda minn dawn il-lingwi (livell minimu ta’ C1 fil-fehim, l-espressjoni orali u l-kitba), kif ukoll għarfien tajjeb fil-lingwa l-oħra (livell minimu ta’ B2 fl-istess kategoriji).
Biex tivvaluta ħilietek fil-lingwi barranin, ara s-sit web:
https://europa.eu/europass/mt/common-european-framework-reference
II. KRITERJI TAL-GĦAŻLA
— |
Abbiltà eċċellenti fl-istabbilment u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji, u fid-definizzjoni tal-objettivi u tar-riżultati li għandhom jinkisbu u fir-rappurtar dwarhom; |
— |
għarfien eċċellenti tal-metodi ta’ ġestjoni: |
— |
kapaċità eċċellenti fit-tmexxija u f’dak li jirrigwarda l-immotivar ta’ timijiet multilingwi u multikulturali, kif ukoll fl-identifikazzjoni u l-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-persunal u fil-ġestjoni tal-kunflitti; |
— |
ħiliet interpersonali u ta’ komunikazzjoni li jkunu eċċellenti, inkluża l-abbiltà f’dak li jirrigwarda l-ġbir, is-sintetizzar u l-analizzar tal-informazzjoni; |
— |
esperjenza fi proġetti innovattivi u fl-implimentazzjoni ta’ bidliet; |
— |
għarfien eċċellenti tal-metodi, l-għodod u t-tekniki ta’ kontroll intern, inklużi l-prinċipji u l-implimentazzjoni prattika tal-ġestjoni tar-riskju tal-intrapriżi; |
— |
abbiltà ddokumentata fit-teħid u l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet b’mod indipendenti; |
— |
għarfien tar-Regolamenti tal-Persunal (1) u tar-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni Ewropea (2) jitqies bħala vantaġġ kbir. |
PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Qorti Nru 31-2015 dwar il-proċeduri għall-għażla ta’ maniġers prinċipali u diretturi, se jiġi stabbilit Bord ta’ Qabel l-Għażla biex jivvaluta l-kandidati eliġibbli fuq il-bażi tal-kriterji mogħtija f’dan l-avviż ta’ post vakanti.
Il-Bord se jivvaluta u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza professjonali u l-ħiliet tal-kandidati eliġibbli kollha fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjonijiet tagħhom. Il-Bord imbagħad se jagħżel is-6 (sitt) kandidati li jkunu l-aktar adatti (3) fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni komparattiva.
Billi din l-għażla inizjali hija bbażata fuq valutazzjoni komparattiva tal-merti individwali, il-kandidati li jissodisfaw b’mod kumplessiv il-kriterji stipulati f’dan l-avviż ta’ post vakanti ma jipproċedux awtomatikament għall-istadju li jmiss tal-proċedura.
Il-Bord se jivvaluta l-kandidati li jkunu fil-lista mqassra abbażi ta’ intervista u valutazzjoni bil-miktub (ara l-kriterji tal-għażla ta’ hawn fuq).
Ir-riżultati tal-intervista u tal-valutazzjoni bil-miktub se jservu bħala l-bażi biex tiġi stabbilita lista tal-kandidat(i) li huwa/huma meqjus(a) l-aktar ikkwalifikati għall-post.
Fuq il-bażi tar-rapport tal-Bord, il-Qorti mbagħad tadotta deċiżjoni għall-ħatra ta’ kandidat wieħed.
APPLIKAZZJONIJIET
Id-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet hija s-17 ta’ Marzu 2021 f’12.00 (nofsinhar) CET
L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu biss permezz tal-formola online li hija pprovduta isfel nett fl-avviż ta’ post vakanti (bl-Ingliż jew bil-Franċiż) disponibbli fil-paġna Opportunitajiet ta’ Impjieg, tal-QEA (taħt “Open positions”): https://www.eca.europa.eu/en/Pages/JobOpportunities.aspx#page-search-index-lang-mt_US
L-applikazzjoni trid tinkludi d-dokumenti li ġejjin, imfassla bl-Ingliż jew bil-Franċiż:
— |
ittra ta’ motivazzjoni (mhux itwal minn tliet paġni); |
— |
CV aġġornat (mhux itwal minn seba’ paġni), li jrid ikun fil-format “Europass” (ara: https://europa.eu/europass/); |
— |
għal uffiċjali li jaħdmu barra mill-QEA: minbarra ż-żewġ elementi msemmija hawn fuq, irid jiġi pprovdut dokument li jikkonferma l-grupp ta’ funzjonijiet, il-grad u l-istatus tagħhom bħala uffiċjali. |
Kandidati magħżula f’kompetizzjonijiet miftuħa jew dawk li jkunu fuq lista ta’ riżerva jridu jindikaw ir-referenza tal-kompetizzjoni jew il-lista ta’ riżerva fl-applikazzjoni tagħhom (CV/ittra ta’ motivazzjoni).
Jekk jogħġbok innota li, meta l-applikazzjoni tiegħek tkun qiegħda tiġi evalwata, tittieħed biss inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li tingħata fis-CV, fl-ittra ta’ motivazzjoni u, fejn ikun applikabbli, fiċ-ċertifikat tal-istatus uffiċjali tiegħek.
Applikazzjonijiet li ma jsegwux strettament dawn l-istruzzjonijiet jiġu rifjutati.
Jekk ikun meħtieġ, l-applikanti jridu jkunu kapaċi li, fuq talba, jipprovdu dokumenti ta’ prova bil-miktub relatati mal-kwalifiki, l-esperjenza professjonali u d-dmirijiet attwali tagħhom.
L-applikanti interessati jridu jimlew il-formola tal-applikazzjoni li tinsab online sal-iskadenza mogħtija. Aħna ferm nirrakkomandaw lill-applikanti biex ma jistennewx sal-aħħar sigħat biex jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom. L-esperjenza turi li r-riskji ta’ konġestjoni fis-sistema jiżdiedu hekk kif toqrob id-data tal-għeluq għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet. Jista’ mbagħad isir diffiċli biex applikazzjoni tiġi ppreżentata fil-ħin.
POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ
Il-Qorti tal-Awdituri ddeċidiet li tniedi l-proċedura ta’ reklutaġġ għal post ta’ Direttur (grad AD14) fis-Segretarjat Ġenerali, skont l-Artikolu 29, il-paragrafi 1 u 2 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (sussegwentement imsejħa r-“Regolamenti tal-Persunal”), bil-għan li żżid l-ammont ta’ kandidati potenzjali li jistgħu jintgħażlu mill-Awtorità tal-Ħatra.
F’konformità mal-politika tal-QEA dwar opportunitajiet indaqs u l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, il-QEA tħaddan id-diversità u tippromwovi opportunitajiet indaqs. Il-QEA taċċetta applikazzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi u tieħu passi biex tiżgura reklutaġġ ibbilanċjat ta’ rġiel u nisa, kif meħtieġ mill-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Minħabba r-rappreżentanza baxxa ta’ nisa f’karigi maniġerjali, il-QEA tinkoraġġixxi b’mod partikolari applikazzjonijiet għal din il-pożizzjoni minn kandidati nisa. Fil-każ ta’ kwalifiki jew mertu indaqs, tintgħażel kandidata mara. Il-QEA tieħu wkoll miżuri li jippermettu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol ma’ dik personali.
Jekk tkun teħtieġ arranġamenti speċjali (għal diżabbiltà speċifika) biex tkun tista’ tieħu sehem f’din il-proċedura tal-għażla, nitolbuk tibgħat email fi żmien xieraq lil ECA-Recrutement@eca.europa.eu.
PROTEZZJONI TAD-DATA
Il-QEA hija impenjata li tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).
Għal iktar informazzjoni, ara l-istqarrija ta’ privatezza speċifika għal postijiet tax-xogħol vakanti li tinsab fl-indirizz li ġej:
https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/Specific_Privacy_Statement_vacancies/Specific_Privacy_Statement_vacancies_MT.PDF
TALBIET GĦAL REVIŻJONI — ILMENTI U APPELLI — ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW
Jekk, f’xi stadju fil-proċedura tal-għażla, inti tqis li xi deċiżjoni tkun affettwatek ħażin, tista’ tuża l-mezzi li ġejjin:
I. Talba għal reviżjoni tad-deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Bord tal-Għażla
Inti tista’ tippreżenta talba motivata, bil-miktub, għal reviżjoni ta’ deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Bord. Din it-talba trid tiġi ppreżentata, fi żmien 10 ijiem min-notifika tad-deċiżjoni, fl-indirizz li ġej: ECA-Recours@eca.europa.eu.
II. Ilmenti
Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, inti tista’ tressaq ilment kontra d-deċiżjoni tal-QEA li tirrifjuta l-applikazzjoni tiegħek fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika ta’ dik id-deċiżjoni. Dan l-ilment għandu jintbagħat lill-indirizz li ġej:
The Secretary-General |
European Court of Auditors |
12, rue Alcide De Gasperi |
1615 Luxembourg |
LUXEMBOURG |
III. Appelli ġudizzjarji
Skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, jekk l-ilment tiegħek jiġi rifjutat u din id-deċiżjoni taffettwak ħażin, tista’ tressaq appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan l-appell irid jitressaq minn avukat fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment.
IV. Ilmenti lill-Ombudsman Ewropew
Jekk inti tqis li t-trattament tal-applikazzjoni tiegħek kien jinvolvi amministrazzjoni ħażina mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, tista’ tressaq ilment lill-Ombudsman Ewropew, wara li l-ewwel tkun ikkuntattjajt lill-Qorti bl-għan li ssolvi t-tilwima. Inti trid tressaq l-ilment tiegħek bil-miktub fi żmien sentejn minn meta ssir taf bil-fatti rilevanti. Formola online tal-ilmenti hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ombudsman Ewropew. Rikors għall-Ombudsman Ewropew ma tirriżultax f’sospensjoni tad-dati ta’ skadenza tal-perjodu li fih jista’ jsir l-appell, kif indikati hawn fuq.
(1) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20210101&qid=1612273468772&from=MT
(2) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32018R1046&from=MT
(3) Dment li jkun hemm ammont suffiċjenti ta’ kandidati.
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).