ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 37

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 64
2 ta' Frar 2021


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Regjuni

 

Interactio – mill-bogħod – il-141 Sessjoni Plenarja tal-KtR, 8.12.2020–10.12.2020

2021/C 37/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2021

1

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Regjuni

 

Interactio – mill-bogħod – il-141 Sessjoni Plenarja tal-KtR, 8.12.2020–10.12.2020

2021/C 37/02

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn turiżmu aktar sostenibbli għall-bliet u r-reġjuni tal-UE

8

2021/C 37/03

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE għall-Irkupru Rurali

16

2021/C 37/04

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Mill-għalqa sal-platt: id-dimensjoni lokali u reġjonali

22

2021/C 37/05

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Rieżami tal-governanza ekonomika

28

2021/C 37/06

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Opportunitajiet u sinerġiji ta’ adattament prekawzjonarju għat-tibdil fil-klima biex jiġu promossi s-sostenibbiltà u l-kwalità tal-ħajja fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet: liema kundizzjonijiet ta’ qafas huma meħtieġa għal dan il-għan?

33

2021/C 37/07

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-impatt tat-tibdil fil-klima fuq ir-reġjuni: valutazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew

40

2021/C 37/08

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tisħiħ tal-governanza lokali u d-demokrazija rappreżentattiva permezz ta’ strumenti teknoloġiċi diġitali ġodda

47

2021/C 37/09

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar L-isfidi għat-trasport pubbliku fil-bliet u r-reġjuni metropolitani

51

2021/C 37/10

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tas-sħubija strateġika mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE

57


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat tar-Regjuni

Interactio – mill-bogħod – il-141 Sessjoni Plenarja tal-KtR, 8.12.2020–10.12.2020

2.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2021

(2021/C 37/01)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

Wara li kkunsidra:

il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2021 (1);

il-Protokoll ta' Kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea ta’ Frar 2012;

ir-Riżoluzzjoni tal-KtR dwar il-prijoritajiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għall-2020-2025 (2);

ir-Riżoluzzjoni tal-KtR dwar il-proposti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2021 (3);

1.

jissottolinja l-urġenza assoluta li jittaffew l-effetti tal-pandemija globali peress li l-kriżi tal-coronavirus qed tkabbar id-disparitajiet soċjali, ekonomiċi u territorjali eżistenti, kif rifless fl-ewwel Barometru Lokali u Reġjonali tal-KtR;

2.

jinsisti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu fil-qalba tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-aġenda għall-irkupru soċjoekonomiku ta' wara l-COVID-19; jappoġġja l-għan tal-UE li taqdi rwol ta' tmexxija fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Il-KtR jimpenja ruħu li jaħdem mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti biex jevalwa t-tagħlimiet meħuda mill-ġestjoni tal-kriżi tal-COVID-19 s'issa u li jfittex li jkun hemm tħejjija għall-futur;

3.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tmexxi proċedura rapida bil-għan li tinstab soluzzjoni sodisfaċenti u permanenti għall-problema tal-kriżi umanitarja fil-Mediterran, qabel kollox iffukata fuq il-protezzjoni tal-ħajja tal-migranti, iżda wkoll fuq l-iżgurar tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Il-KtR u l-awtoritajiet lokali u reġjonali joffru l-kooperazzjoni l-aktar profonda tagħhom;

4.

jappoġġja, għalhekk, l-approċċ tal-Kummissjoni biex tidentifika l-prijoritajiet politiċi tal-UE permezz tar-Rapport Annwali ta' Prospettiva Strateġika, li l-KtR se jikkontribwixxi għalih b'data mill-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-UE;

5.

jaqbel mal-fehma li l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa għandha titnieda mill-aktar fis possibbli. L-involviment sħiħ tal-KtR, bħala l-vuċi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, fil-korpi kollha tal-Konferenza jippermetti li l-proġett ikun eqreb taċ-ċittadini tal-Ewropa u li jirrifletti aktar fil-fond dwar il-bidliet meħtieġa fil-politiki, il-proċessi u l-qafas istituzzjonali tal-UE. Il-KtR jinsisti li fil-konsultazzjonijiet pubbliċi kollha relatati mal-konferenza, għandu jiġi żgurat pluraliżmu sħiħ;

6.

jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra jikkooperaw mal-KtR fl-iżvilupp ta' mudell pilota għal djalogu permanenti u strutturat maċ-ċittadini permezz tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jista' jservi wkoll biex itejjeb il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE;

7.

itenni l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, mhux l-inqas f'dawk l-oqsma fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett, b'mod partikolari permezz tal-applikazzjoni xierqa tas-sussidjarjetà attiva u l-integrazzjoni tal-prinċipji ta' governanza f'diversi livelli. Il-KtR jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-KtR fil-pjattaforma Fit for Future u jimpenja ruħu li jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-pjattaforma permezz tal-grupp governattiv u s-sottogrupp speċifiku RegHub. Jenfasizza l-ħtieġa ta' perspettiva lokali u reġjonali aktar prominenti fir-reviżjoni tar-REFIT;

8.

itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex timmonitorja mill-qrib l-applikazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sħubija meta jitħejjew il-Ftehimiet ta' Sħubija u l-programmi għall-perjodu 2021-2027 u biex tiżgura li l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jirrappreżenta sħubija sħiħa. Il-prinċipji ta' sħubija u l-governanza f'diversi livelli għandhom jispiraw aktar mill-qrib il-governanza tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari peress li s-Semestru jipprovdi linji gwida għall-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2021-2027 u għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

9.

se jivvaluta bir-reqqa l-proposti leġiżlattivi għal riżorsi proprji ġodda, b'mod partikolari fir-rigward tal-impatt potenzjali tagħhom fuq il-finanzi lokali u reġjonali u fuq iċ-ċittadini;

10.

jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ċċarati l-interazzjonijiet bejn il-finanzjament tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u tal-Politika ta' Koeżjoni fil-livell lokali u reġjonali u, b'mod partikolari fir-rigward tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Istati Membri, jitlob li jiġu żviluppati l-pjani nazzjonali ta' riforma u investiment li ġejjin kemm orizzontalment kif ukoll minn isfel għal fuq, u jinkoraġġixxi firxa wiesgħa ta' parteċipanti istituzzjonali u tal-partijiet interessati parteċipanti tal-UE biex jattendu l-Forum tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza f'Ottubru 2021;

11.

jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tuża l-Aġenda 2030 tan-NU u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tagħha, kif ukoll il-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015, bħala l-bażi għall-bini tal-qafas ta' politika għal irkupru sostenibbli fl-UE;

12.

jilqa' l-“Pakkett Fit for 55” tal-Kummissjoni, iżda jemmen li mira tal-emissjonijiet aktar ambizzjuża għall-2030 f'konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew hija meħtieġa u fattibbli. Fid-dawl ta' dan, jistieden lill-Kummissjoni biex, fi ħdan il-pakkett tagħha “Fit for 55”. tippreżenta strateġija ambizzjuża ta' adattament tal-UE, b'enfasi ċara fuq ir-rwol ċentrali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-adattament għall-klima;

13.

jinsab lest li jfassal pjan direzzjonali konġunt tal-COP26 bi tħejjija għas-26 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) fi Glasgow, bil-għan li juri l-impenn tal-UE fil-livelli kollha u jippromovi r-rwol u l-kontributi tal-gvernijiet sottonazzjonali fil-Ftehim ta' Pariġi u l-UNFCCC; permezz ta’ dan, il-KtR se jenfasizza r-rwol tal-bliet u r-reġjuni fl-implimentazzjoni u l-aċċelerazzjoni tal-miżuri klimatiċi permezz ta' kollaborazzjoni prattika mal-industrija, l-universitajiet, iċ-ċittadini u komunitajiet differenti;

14.

jenfasizza l-fatt li l-proposta mħabbra dwar Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera hija marbuta mill-qrib mar-rieżami tas-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet. Sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni bejn in-negozji ta' pajjiżi terzi u dawk tal-UE, jitlob li ssir valutazzjoni bir-reqqa dwar kif it-tneħħija gradwali tal-kwoti bla ħlas se jkollha impatt fuq is-setturi tal-UE intensivi fl-enerġija;

15.

se jissorvelja bir-reqqa l-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta u jissuġġerixxi li jsir Forum ta' Tranżizzjoni Ġusta fit-tieni nofs tal-2021 biex jislet il-konklużjonijiet politiċi inizjali tal-implimentazzjoni tiegħu;

16.

iqis li d-djalogi f'diversi livelli dwar l-enerġija u l-klima għandhom ikomplu jiġu promossi u estiżi għall-oqsma kollha tal-Patt Ekoloġiku. Iħeġġeġ ir-rikonoxximent sħiħ tar-rwol tal-bliet u r-reġjuni fl-implimentazzjoni tal-politiki ta' mitigazzjoni u ta' adattament għat-tibdil fil-klima u jitlob li jiġi stabbilit qafas ta' governanza f'diversi livelli effettiv permezz tal-Patt Klimatiku Ewropew. F'dan l-isfond, il-KtR jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta pjan ta' azzjoni konġunt għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku, li jista' jinkludi Tabella ta' Valutazzjoni Reġjonali Ewropea biex jiġi segwit il-progress fl-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku fil-livell sottonazzjonali;

17.

jisħaq fuq l-urġenza li tiġi implimentata l-istrateġija Mewġa ta' Rinnovazzjoni u li jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jadattaw dik it-tranżizzjoni għall-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi lokali u biex jimlew il-lakuni eżistenti f'termini ta' riżorsi finanzjarji u kapaċità teknika; fir-rigward tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni, u ta’ miżuri oħra, jitlob biex jinfetħu possibbiltajiet estensivi għal aċċess dirett tar-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet għal fondi Ewropej;

18.

jilqa' l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tniedi pjan ta' azzjoni ta' Tniġġis Żero għall-ilma, l-arja u l-ħamrija bħala parti essenzjali tal-Pjan ta' Rkupru Ekoloġiku. Il-pjan kif ukoll l-atti leġiżlattivi sussegwenti għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji ewlenin ta’ approċċ prekawzjonarju, li t-tniġġis irid jiġi indirizzat fis-sors u li min iniġġes għandu jħallas. Il-pjan ta’ azzjoni għandu jiġi żviluppat u implimentat f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta' inizjattivi bħall-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi u għandu jkollu l-għan li jistabbilixxi qafas ambizzjuż filwaqt li jirrikonoxxi d-differenzi u l-kundizzjonijiet differenti fost l-Istati Membri tal-UE u jippermetti adattamenti nazzjonali u lokali. L-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għandu jkun fil-qalba tal-pjan biex jiġi żgurat li jittieħdu azzjonijiet fejn jagħmlu l-aktar sens;

19.

jitlob li jkun hemm miri speċifiċi fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Ġdid għal Ekonomija Ċirkolari (NCEAP) li jqisu d-differenzi reġjonali, speċjalment għall-prevenzjoni tal-iskart u l-akkwist pubbliku, u s-sħubijiet pubbliċi-privati peress li dawn jistimulaw it-teknoloġiji innovattivi u l-adozzjoni tagħhom fis-suq, u għar-rikonoxximent tar-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'soċjetà aktar ċirkolari;

20.

jimpenja ruħu li jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, filwaqt li jesplora l-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-indirizzar tat-tnaqqis tad-dakkara u fl-indirizzar tal-pressjoni perikoluża fuq l-ambjent tal-baħar tagħna. Il-KtR jenfasizza r-rwol tal-prattiki tal-art u tal-agrikoltura kif ukoll il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fir-restawr tal-ħabitats u ż-żieda tar-reżiljenza u s-saħħa tal-ekosistemi u ż-żoni naturali Ewropej kollha. Il-KtR jappoġġja t-talba tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni biex tipproponi qafas legali għal diliġenza dovuta obbligatorja tul il-ktajjen tal-provvista għall-prodotti tal-foresti u agrikoli u l-prodotti li joħolqu riskju għall-ekosistemi li jitqiegħdu fis-suq tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin ma jitpoġġiex piż amministrattiv żejjed fuq il-fornituri ta' prodotti b'bażi bijoloġika meta mqabbla ma’ prodotti sintetiċi u bbażati fuq il-fossili;

21.

jitlob li jkun hemm involviment sħiħ tar-reġjuni Ewropej fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġija tal-UE “Mill-Għalqa sal-Platt”; jistieden lill-Kummissjoni tankra b'mod effettiv l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku u, b'mod partikolari, l-istrateġija tal-bijodiversità u l-istrateġija “Mill-għalqa sal-platt” fil-Politika Agrikola Komuni (PAK) futura u l-implimentazzjoni tagħha.

22.

iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jibdlu l-viżjoni l-ġdida fit-tul għaż-żoni rurali f'Aġenda Rurali tal-UE, li għandha tiżgura li l-prinċipju tal-ekwilibriju rurali-urban jiġi minqux fil-politiki kollha tal-UE, skont l-objettivi ta' koeżjoni territorjali, u jżid ir-rwol tal-livelli lokali u reġjonali fil-governanza tal-politiki rurali;

23.

jesprimi dispjaċir dwar in-nuqqas ta' ambizzjoni tal-Programm ta' Ħidma fil-qasam marittimu u jenfasizza l-importanza ġeopolitika strateġika tal-industriji marittimi l-aktar avvanzati u ta' reġjuni kostali u marittimi b'saħħithom. F'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa aġenda komprensiva b'appoġġ għall-industriji blu u r-reġjuni marittimi;

24.

jimpenja ruħu li jipprovdi kontribut għall-inizjattiva leġiżlattiva għal standard Ewropew ta' bonds ekoloġiċi, peress li dan ikun rilevanti ħafna biex l-investiment privat u pubbliku sostenibbli jiġi dirett fil-livell lokali u reġjonali;

25.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-konnessjonijiet nieqsa fl-infrastruttura transfruntiera tat-trasport fi ħdan ir-reviżjoni tar-Regolament dwar in-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) kif ukoll konnettività mtejba mar-reġjuni periferiċi/ultraperiferiċi;

26.

jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta leġiżlattiva biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaforma; jistenna wkoll li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali jindirizza standards minimi għat-telexogħol ġust u d-drittijiet diġitali fuq il-post tax-xogħol;

27.

jesprimi dispjaċir li l-ebda proposta biex tiġi regolata l-Intelliġenza Artifiċjali mhi ppjanata fl-2021, bħala segwitu għall-White Paper adottata dan l-aħħar;

28.

se jiżviluppa indikaturi għat-trasformazzjoni diġitali fil-livell lokali u reġjonali sabiex jiġu stabbiliti miri, jiġi aċċellerat l-istabbiliment ta' pjattaformi diġitali u mekkaniżmu ta' monitoraġġ għad-Deċennju Diġitali 2030, li jindirizza l-inugwaljanzi u jipprevjeni distakk diġitali;

29.

jitlob li jkun hemm approċċ komprensiv tal-UE għas-sigurtà u r-reżiljenza tan-networks 5G, billi l-iżgurar tal-konnettività tal-broadband u l-iskjerament tal-5G fil-livell lokali u reġjonali kemm fiż-żoni urbani u f'dawk rurali kif ukoll f’reġjuni muntanjużi u remoti u reġjuni inqas żviluppati qed isir kruċjali;

30.

jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-dimensjoni bbażata fuq il-post tal-istrateġija industrijali tal-UE, tespandi l-kamp ta' applikazzjoni settorjali tagħha u ssaħħaħ il-koordinazzjoni politika tagħha fil-livell tal-UE, b'mod partikolari billi l-KtR u l-gvernijiet reġjonali jiġu involuti fil-Forum Industrijali u fl-Alleanza Ewropea dwar il-Materja Prima sabiex ir-reġjuni u l-bliet ikunu jistgħu jieħdu s-sjieda tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali doppji tal-industriji tagħhom sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-potenzjal tad-diversifikazzjoni ekonomika ta'din l-istrateġija, kif ukoll billi l-industrija tiġi involuta fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) għall-iżvilupp ta' settijiet ta' ħiliet adatti biex jiġu żgurati professjonijiet ġodda;

31.

flimkien ma' bliet u reġjuni disponibbli, se juri kif iċ-Ċentri taż-ŻER jistgħu jgħinu fl-iżvilupp ta' ekosistemi ta' innovazzjoni reġjonali bbażati fuq il-post u permezz tal-kollaborazzjoni tagħhom madwar l-Ewropa kollha jgħinu biex jitħaffef it-tkabbir sostenibbli intelliġenti u jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni fl-Ewropa;

32.

billi l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 laqtu sew lill-SMEs fir-reġjuni kollha tal-UE u qed jaggravaw kwistjonijiet kroniċi bħal aċċess mhux sodisfaċenti għall-finanzi u ħlasijiet tard, u filwaqt li jitqiesu l-istrutturi u l-ħtiġijiet differenti tal-SMEs u l-kundizzjonijiet ekonomiċi u istituzzjonali differenti madwar l-Ewropa, jissuġġerixxi li l-Kummissjoni ssaħħaħ il-governanza lokali u reġjonali tal-Istrateġija għall-SMEs. Min-naħa tiegħu, il-KtR jimpenja ruħu li jikkoopera mal-Kummissjoni u l-komunità tan-negozju fl-iżvilupp u l-applikazzjoni ulterjuri ta' test tal-SMEs li huwa adattat għall-iskop tiegħu, b'mod partikolari permezz tan-network tar-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew (EER);

33.

jistieden lill-Kummissjoni tqis id-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-partijiet interessati lokali u reġjonali li qed iwaqqfuhom milli jgawdu bis-sħiħ mill-benefiċċji tas-suq uniku u jistenna bil-ħerqa r-rapport aġġornat dwar l-ostakli għas-suq uniku u l-miżuri li l-Kummissjoni biħsiebha tieħu biex tiżgura l-infurzar sħiħ tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Il-KtR jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tressaq proposta ġdida mtejba dwar il-Passaport tas-Servizzi;

34.

jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq pakkett ta' Ekonomija Ġusta u jistenna bil-ħerqa l-Pjan ta' Azzjoni għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li għandu jibni fuq użu empiriku u politiku akbar tal-għodda tat-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali. Il-KtR se jappoġġja d-dimensjoni lokali u reġjonali tal-Pilastru billi jkollu rwol attiv fil-Konferenza qabel is-Summit Soċjali f'Porto fl-2021. Barra minn hekk, il-KtR se jaħdem mal-Kummissjoni fuq l-iżvilupp tal-inizjattiva tal-Fieri tal-Impjiegi Lokali;

35.

jistenna bil-ħerqa l-qafas il-ġdid ta' strateġija dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. F'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni taqbad ir-ritmu fl-2021 sabiex fl-aħħar tilħaq l-għan tal-istabbiliment ta' 50 valur ta' Limitu ta' Esponiment Okkupazzjonali (OELs), li oriġinarjament kienu stabbiliti għall-2020;

36.

jisħaq fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fl-iżvilupp tal-Pjan ta' Azzjoni għall-ekonomija soċjali, bid-dimensjoni reġjonali u lokali b'saħħitha tiegħu;

37.

jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni tenniet it-talba tal-KtR għal Garanzija għat-Tfal, li ssaħħaħ l-inklużjoni soċjali u l-benesseri tat-tfal kif ukoll il-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal;

38.

jistenna li l-istrateġija favur il-persuni b'diżabilità tistabbilixxi miri ambizzjużi u li jistgħu jitkejlu, u li tinkludi l-oqsma kollha tal-politika; jinsab impenjat fir-rigward tal-objettivi tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità u jittama li l-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-implimentazzjoni tagħha fil-livell lokali u reġjonali;

39.

jinnota li l-Programm ta' Ħidma għall-2021 jipprovdi għar-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat f'disa' oqsma differenti li huma ta' rilevanza kbira għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Jimpenja ruħu, għalhekk, li jieħu sehem attiv fir-reviżjoni. Għal dan il-għan, il-KtR se jibni fuq il-konsultazzjoni tan-Network ta' Ċentri Reġjonali għar-reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-politika, li diġà qed janalizza l-qafas fl-oqsma tas-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali u tal-għajnuna reġjonali;

40.

jilqa' l-flessibbiltà prevista bl-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir biex tippermetti miżuri ta' koordinazzjoni tal-politika li japplikaw malajr u b'mod qawwi. Jenfasizza li din is-sospensjoni hija importanti sakemm l-awtoritajiet pubbliċi jkunu ffaċċjati bi spejjeż straordinarji hekk kif dawn ikunu qed jagħmlu ħilithom biex jiġġieldu l-pandemija u sakemm ikunu jistgħu jittieħdu tagħlimiet mill-kriżi attwali tal-COVID-19 kif xieraq u aħna nkunu lesti biex inħejju għal kriżijiet futuri;

41.

jesprimi dispjaċir dwar in-nuqqas ta' miżuri fil-Programm ta' Ħidma biex jiġi appoġġjat l-irkupru sostenibbli fl-industrija tat-turiżmu, settur ekonomiku ewlieni għar-reġjuni u għall-għajxien lokali madwar l-Ewropa u wieħed li ntlaqat sew mill-kriżi. Itenni l-importanza li jiġu allokati riżorsi finanzjarji suffiċjenti u li jiġi definit approċċ reġjonali koordinat biex isalvaw lis-settur u li tiġi żviluppata politika Ewropea għat-turiżmu fit-tul;

42.

jitlob li jkun hemm stadji importanti ċari u mezzi proporzjonati għat-tlestija taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025. Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tnissel kultura ta' tagħlim tul il-ħajja u biex tiffaċilita t-tranżizzjonijiet professjonali fl-UE, u jitlob li tinkiseb “garanzija ta' kwalifiki u ħiliet minimi” għaż-żgħażagħ, rikonoxxuta u vvalidata fl-Istati Membri kollha, fil-qafas tal-kontijiet individwali futuri tat-tagħlim u approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali (filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-kunċett ta’ kors akkademiku huwa, u għandu jibqa’, il-prinċipju organizzattiv primarju u fundamentali tal-edukazzjoni għolja);

43.

jistenna bil-ħerqa li jisfrutta bis-sħiħ l-opportunitajiet tal-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien (KEP) mal-Kummissjoni biex tiġi promossa speċjalizzazzjoni intelliġenti u sostenibbli u jiġu appoġġjati l-inklużjoni u l-innovazzjoni soċjali, l-ekosistemi ta' innovazzjoni fil-livell lokali u reġjonali. Jirrakkomanda l-pilotaġġ tal-attivitajiet tal-KEP u tax-“Xjenza tiltaqa’ mar-Reġjuni” mal-Kummissjoni anke fil-livell tal-makroreġjuni sabiex jiġu promossi l-politika tal-innovazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti;

44.

jissottolinja l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu appoġġjati fil-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE u fil-pajjiżi msieħba fil-viċinat tal-UE, sabiex jiġu megħjuna jsegwu l-prijoritajiet strateġiċi tal-UE u sabiex jiġi evitat distakk dejjem jikber, bl-għan aħħari li wara l-pandemija tal-COVID-19 jkunu aktar b'saħħithom u tissaħħaħ ir-reżiljenza fil-livell komunitarju;

45.

jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi komunikazzjoni dwar Sħubija Mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar u, fid-dawl tal-25 anniversarju tal-Proċess ta' Barċellona, jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-alleanzi bejn ix-xtut tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Mediterran. F'dan il-kuntest, ifakkar fl-importanza tal-Politika Ewropea tal-Viċinat bħala għodda ewlenija biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni u jenfasizza li s-suċċess tagħha se jiddependi fuq l-involviment adatt tal-entitajiet reġjonali u lokali;

46.

jappoġġja bis-sħiħ l-impenn tal-Kummissjoni li żżomm ir-rwol ta' tmexxija tagħha fit-tisħiħ tal-multilateraliżmu ibbażat fuq ir-regoli u li tqiegħed l-SDGs fil-qalba tar-riforma tad-WTO; huwa tal-fehma li din l-inizjattiva, flimkien ma' infurzar aħjar tal-kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, għandha tgħin biex ittejjeb l-istandards soċjali, ambjentali u klimatiċi f'pajjiżi terzi;

47.

jifhem l-inċertezza li hemm fin-negozjati li għaddejjin bħalissa mar-Renju Unit iżda huwa diżappuntat ħafna li m'hemm l-ebda referenza fil-Programm ta' Ħidma għall-2021 għar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit, minħabba l-impatt dirett u drammatiku tal-Brexit fuq ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE. Jistenna, għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit (BAR) u jinsisti li l-BAR għandha titfassal b'tali mod li ma tindirizzax biss in-nuqqasijiet ekonomiċi fil-livell tal-Istati Membri, iżda tqis ukoll id-dimensjoni territorjali tal-Brexit;

48.

jilqa' l-enfasi li għamlet il-Kummissjoni fuq il-ħtieġa li l-kumpaniji tal-UE u s-suq uniku jiġu protetti minn prattiki kummerċjali u ta' kompetizzjoni inġusti, speċjalment permezz tal-inizjattivi leġiżlattivi mħabbra dwar il-kundizzjonijiet ekwi, dwar l-akkwist pubbliku u dwar il-governanza korporattiva sostenibbli. Il-KtR jistieden lill-PE u lill-Kunsill biex jimxu 'l quddiem fin-negozjati dwar ir-Regolament dwar l-Infurzar, il-proposta dwar l-esportazzjonijiet b'użu doppju u l-Istrument ta' Akkwist Pubbliku Internazzjonali fir-rigward tal-Ftehim plurilaterali tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku (GPA);

49.

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni ttejjeb u ssaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-Politika ta' Koeżjoni u l-komponent tal-Għajnuna mill-Istat tal-Politika tal-Kompetizzjoni, minn perspettiva ta' kriterji legali, sabiex jiġu evitati ostakli tekniċi u ostakli li jxekklu l-implimentazzjoni adatta tal-elementi rispettivi tagħhom, speċjalment dawk l-azzjonijiet kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni, li huma affettwati mir-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat;

50.

itenni l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fit-tfassil ta' Unjoni tas-Saħħa, peress li għandhom responsabbiltajiet sinifikanti fil-qasam tas-saħħa pubblika fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Jilqa' f'dan il-kuntest l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-qafas tal-UE għall-identifikazzjoni u r-rispons għal theddid transfruntier serju għas-saħħa, inklużi t-tisħiħ tar-rwol tal-aġenziji eżistenti u l-istabbiliment ta' aġenzija Ewropea għar-riċerka u għall-iżvilupp avvanzati fil-qasam bijomediku; f'dan ir-rigward, jilqa' l-pakkett tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa li għandu l-għan li jsaħħaħ il-koordinazzjoni nazzjonali fl-UE u l-istrutturi u l-mekkaniżmi eżistenti għal protezzjoni, prevenzjoni, tħejjija u rispons aħjar fil-livell tal-UE kontra l-perikli għas-saħħa tal-bniedem. Il-KtR ifakkar fil-ħtieġa li l-fornituri tal-kura tas-saħħa reġjonali u lokali jiġu inklużi f'dawk il-mekkaniżmi l-ġodda li għandhom jappoġġjaw ukoll il-forniment ta' mediċini, u ta' provvisti mediċi u tal-isptarijiet Il-KtR jappoġġja bis-sħiħ ukoll il-proposta, li tirrifletti l-proposta tal-KtR għal Mekkaniżmu Ewropew għall-Emerġenzi tas-Saħħa, biex tinħoloq il-possibbiltà għall-UE li tiddikjara sitwazzjoni ta' emerġenza tal-UE li tiskatta koordinazzjoni intensifikata u tippermetti l-iżvilupp, il-ħażna u l-akkwist ta' prodotti rilevanti għall-kriżijiet;

51.

jappella lill-Kummissjoni tikkontrolla l-prattiki inġusti tal-Għajnuna mill-Istat stabbiliti minn diversi atturi li qed jieħdu vantaġġ mill-Qafas Temporanju Ewropew għall-miżuri ta' għajnuna mill-Istat filwaqt li hemm riskju reali ta'effett negattiv fuq il-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku, u tistabbilixxi azzjonijiet korrettivi;

52.

jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal spazju Ewropew tad-data dwar is-saħħa iżda jitlob li ssir valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa tal-proposta fil-livell lokali u reġjonali biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-sistemi filwaqt li jitnaqqas il-piż amministrattiv u finanzjarju;

53.

jistieden lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu mal-KtR u mar-reġjuni interessati fl-evalwazzjoni li jmiss tad-Direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transfruntiera;

54.

itenni l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-proposti futuri fl-ambitu tal-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà u jkunu mibnija fuq is-solidarjetà, speċjalment lejn ir-reġjuni li huma fl-ewwel linja tal-pressjoni migratorja. Il-Patt għandu jirrikonoxxi wkoll ir-rwol essenzjali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jirċievu u jintegraw lill-migranti u għandu jagħmel disponibbli appoġġ dirett Ewropew għal dawn il-kompiti. Isostni wkoll li huwa kruċjali li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, f'kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu. Jinsab lest li jikkoopera billi jipprovdi data mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u billi jistabbilixxi kanali permanenti għall-iskambju politiku bejniethom u l-Kummissjoni;

55.

itenni l-intenzjoni tiegħu li jaħdem mal-Kummissjoni fuq proġett konġunt għall-promozzjoni tal-impenn tal-Ewropa għall-protezzjoni tal-valuri, l-identitajiet u ċ-ċittadinanza tal-UE permezz tal-edukazzjoni u l-kultura fil-livelli reġjonali u lokali; itenni t-talba lill-Kummissjoni Ewropea, abbażi tal-prijoritajiet tal-KtR għall-2020 sal-2025, biex timplimenta l-proposti tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej ta’ suċċess għal aktar protezzjoni tal-minoranzi fl-UE (MSPI);

56.

jitlob li l-moviment liberu fiż-żona Schengen ikun salvagwardjat permezz tat-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u r-reġjuni kollha involuti fil-ġestjoni tal-fruntieri. Iċ-ċittadini tal-UE japprezzaw ħafna l-libertà ta' moviment tagħhom, speċjalment fid-dawl tar-restrizzjonijiet li esperjenzaw dan l-aħħar matul il-kriżi tal-COVID-19 u fid-dawl tal-fatt li din hija kemm parti integrali miċ-ċittadinanza Ewropea kif ukoll element kruċjali tal-bini ta' identità Ewropea;

57.

jappoġġja bis-sħiħ is-setturi kulturali u kreattivi, li ġew affettwati serjament mill-kriżi tal-COVID-19, u jitlob kultura ta' solidarjetà fil-fażi ta' rkupru. Jappella għal dimensjoni robusta tal-wirt kulturali fi ħdan il-Bauhaus Ewropew Ġdid imħabbar mill-President von der Leyen u inkluża fil-Mewġa ta' Rinnovazzjoni, li tgħaqqad il-prestazzjoni mal-invenzjoni;

58.

għadu jistenna li l-Kummissjoni tressaq Proposta għal Direttiva dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta' paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel permezz tat-trasparenza fil-pagi u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex, bħala segwitu għall-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025, tipproponi l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill li tikklassifika l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala reat partikolarment serju fl-ispirtu tal-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tippromovi l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul tal-2011) u jilqa' d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward fil-programm ta' ħidma tagħha tal-2021;

59.

jilqa' b'sodisfazzjon bl-istess mod l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta inizjattiva sabiex testendi l-lista ta' reati tal-UE biex tinkludi r-reati ta' mibegħda u d-diskors ta' mibegħda kontra gruppi vulnerabbli, b’mod partikolari l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-razziżmu, l-anti-Semitiżmu u d-diskriminazzjoni ta’ persuni LGTBI+;

60.

iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jiffinalizzaw in-negozjati u jadottaw ir-Regolament propost dwar il-mekkaniżmu sabiex jiġu solvuti ostakli legali u amministrattivi f'kuntest transfruntier (Mekkaniżmu Transfruntier Ewropew), li se jkollu impatt fit-tul, sinifikanti u pożittiv fuq il-futur tal-kooperazzjoni transfruntiera. Jissottolinja, barra minn hekk, il-ħtieġa ta' qafas legali adegwat tal-UE li jippermetti l-istabbiliment u l-ġestjoni effiċjenti tas-servizzi pubbliċi transfruntiera, enfasizzati wkoll mill-kriżi li għaddejja. L-oqfsa attwali ta' spiss ikunu jinvolvu piżijiet u spejjeż amministrattivi kbar, li jwasslu biex ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali jabbandunaw il-pjani tagħhom għal servizzi bħal dawn, u jħallu liċ-ċittadini Ewropej jgħixu f'dawn ir-reġjuni f'pożizzjoni żvantaġġata;

61.

peress li l-Unjoni Ewropea diġà rrikonoxxiet, fil-livelli politiċi u legali, is-sitwazzjoni unika tar-reġjuni ultraperiferiċi, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi bħala prattika tajba fil-programmi ta' ħidma annwali futuri tagħha l-inklużjoni ta’ anness bil-proposti speċifiċi li beħsiebha tippreżenta dik is-sena liż-żoni ultraperiferiċi filwaqt li tidentifika l-proposti leġiżlattivi li jinkludu miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi. Kemm jekk dawn il-proposti leġiżlattivi huma bbażati fuq l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew fuq bażi legali doppja għat-Trattat, jew sempliċiment bażi legali settorjali ġenerali għat-Trattat iżda li fiha l-proposta leġiżlattiva, madankollu, tkun tinkludi divrenzjar de facto għar-reġjuni ultraperiferiċi, dan l-anness għandu jinkludi wkoll referenza għal atti oħrajn (komunikazzjonijiet, rapporti) li l-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tindirizza liż-żoni ultraperiferiċi dik is-sena;

62.

itenni li minħabba l-fraġilità qawwija imposta mill-COVID-19 fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea għandha taġġorna, fil-bidu tal-2021, l-Istrateġija tagħha tal-2017 fil-Komunikazzjoni “Sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE” – COM(2017) 623 final, tal-24 ta' Ottubru 2017, u tippreżenta miżuri ta' appoġġ effettivi ġodda għar-reġjuni ultraperiferiċi fis-setturi soċjali, ekonomiċi, territorjali u kulturali;

63.

jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jibgħat din ir-Riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Presidenzi tal-Kunsill tal-UE tal-Ġermanja, tal-Portugall u tas-Slovenja u lill-President tal-Kunsill Ewropew.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  COM(2020) 690 final.

(2)  COR-2020-01392-00-00-RES-TRA (ĠU C 324, 1.10.2020, p. 8).

(3)  COR-2020-02622-00-00-RES-TRA (ĠU C 324, 1.10.2020, p. 16).


OPINJONIJIET

Il-Kumitat tar-Regjuni

Interactio – mill-bogħod – il-141 Sessjoni Plenarja tal-KtR, 8.12.2020–10.12.2020

2.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/8


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn turiżmu aktar sostenibbli għall-bliet u r-reġjuni tal-UE

(2021/C 37/02)

Relatur:

Manuel Alejandro CARDENETE FLORES (ES/RE), Viċi Ministru tat-Turiżmu, ir-Riġenerazzjoni, il-Ġustizzja u l-Amministrazzjoni Lokali tar-Reġjun tal-Andalusija

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti introduttorji

1.

jenfasizza li t-turiżmu huwa settur strateġiku, għodda għall-integrazzjoni u mutur ewlieni għall-irkupru soċjoekonomiku. Jirrappreżenta iktar minn 10 % tal-prodott domestiku gross tal-UE u joħloq impjieg għal 26 miljun persuna kif ukoll jirrappreżenta 6 % tal-esportazzjonijiet totali tal-UE;

2.

jenfasizza l-importanza tat-trasport u l-mobilità bħala l-muftieħ għall-koeżjoni soċjali, ekonomika uterritorjali tal-UE, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati soluzzjonijiet ta’ mobilità intelliġenti u sostenibbli, speċjalment f’dawk ir-reġjuni li l-iżvilupp ekonomiku tagħhom jinsab l-aktar kompromess minħabba li jiddependu b’mod esklużiv mit-trasport bl-ajru u bil-baħar;

3.

jinnota li firxa wiesgħa ta’ vjaġġaturi mil-lat soċjali u kulturali kif ukoll mil-lat ta’ età u introjtu, tiftaħ opportunitajiet kummerċjali estensivi għal bosta intrapriżi, min-negozji multinazzjonali sal-mikrointrapriżi. L-ekosistema tat-turiżmu tinkludi setturi bħall-akkomodazzjoni, it-trasport, il-gastronomija, il-kultura, l-isport u d-divertiment, kif ukoll is-servizzi tal-operaturi tal-vjaġġi turistiċi. Tinkludi total ta’ madwar 2,4 miljun kumpanija, b’aktar minn 90 % li huma SMEs;

4.

jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet u l-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu (UNWTO), kif ukoll il-viżjoni One Planet għall-irkupru sostenibbli tat-turiżmu u l-promozzjoni tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fl-oqsma tat-turiżmu u t-trasport;

5.

japprova d-definizzjoni ta’ turiżmu sostenibbli kif imfassla mill-UNWTO li tiddeskrivih bħala wieħed li jqis b’mod sħiħ l-impatt attwali u futur fuq l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent biex jissodisfa l-bżonnijiet tal-viżitaturi, tal-industrija, tal-ambjent u tal-komunitajiet ospitanti;

6.

jenfasizza li l-kriżi kkawżata mis-SARS-CoV-2 biddlet ix-xenarju b’mod drammatiku, bi spiża inkomparabbli għall-ħajja u konsegwenzi ekonomiċi devastanti li affettwaw b’mod serju lill-Ewropa, u kkawżat telf personali, diffikultajiet finanzjarji serji u l-falliment ta’ bosta kumpaniji, speċjalment fis-setturi tat-turiżmu u tat-trasport;

7.

jirrikonoxxi li dawn id-diffikultajiet huma aggravati fil-każ tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, li jiddependu ħafna mis-settur tat-turiżmu, u li l-prospetti tagħhom għall-irkupru ekonomiku qed jixxekklu serjament minħabba d-dipendenza kważi esklużiva tagħhom mit-trasport bl-ajru u l-impossibbiltà li jintużaw modi oħra tat-trasport;

8.

jenfasizza li hemm bżonn li jiġu promossi s-servizzi ta’ turiżmu sostenibbli li jikkunsidraw il-wirt storiku u kulturali rikk tal-Ewropa kif ukoll il-wirt naturali uniku tagħha;

9.

ifakkar fin-natura trasversali tat-turiżmu, kif uriet din il-kriżi, peress li tnaqqis fl-attività turistika jolqot mhux biss lil setturi bħal dak tal-akkomodazzjoni, ir-ristoranti jew it-trasport, iżda wkoll lil għadd ta’ oqsma tal-ekonomija b’valur miżjud għoli;

10.

jirrimarka li l-Ewropa għandha żżomm attitudni proattiva u ta’ tmexxija f’din il-kriżi u oħrajn sussegwenti li jistgħu jseħħu, billi tieħu l-miżuri meħtieġa fil-ħin biex tevita l-kollass tas-settur tat-turiżmu;

11.

jirrikonoxxi li l-kriżi attwali tas-saħħa kkawżata mill-COVID-19 enfasizzat il-vulnerabbiltà partikolari tat-turiżmu fir-reġjuni insulari, li għandhom riżorsi skarsi;

12.

ifakkar lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-importanza li jallokaw biżżejjed riżorsi finanzjarji biex isalvaw lis-settur kif ukoll jiżviluppaw politika Ewropea fit-tul dwar it-turiżmu għal industrija tat-turiżmu ta’ kwalità u sostenibbli, abbażi tar-rispett għall-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

13.

jargumenta li għandha tittieħed azzjoni u għandu jsir approfondiment fit-titjib tal-mudelli attwali tat-turiżmu u t-trasport, billi tkun żgurata s-sostenibbiltà sħiħa tagħhom minn perspettiva soċjali, ekonomika u ambjentali, u jikkunsidra din il-kriżi bħala xprun għal riflessjoni li tistabbilixxi l-pedamenti futuri tar-reżistenza u s-sostenibbiltà tas-setturi tat-turiżmu u tat-trasport;

Dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq is-settur tat-turiżmu u tat-trasport fl-Ewropa u r-rispons tal-irkupru u r-reżiljenza tal-UE f’perjodu qasir u medju: il-pakkett tat-turiżmu u t-trasport

14.

jenfasizza li l-UNWTO stmat li t-telf ikkawżat mill-pandemija fl-industrija tat-turiżmu globali fl-ewwel ħames xhur tal-2020 kien diġà qabeż bi tliet darbiet dak irreġistrat fil-kriżi finanzjarja internazzjonali tal-2009 (1);

15.

jappella għal koordinazzjoni ikbar bejn l-Istati Membri meta jiġu stabbiliti projbizzjonijiet u lockdowns, sabiex jiġi ffaċilitat l-irkuprar tas-settur, titnaqqas il-konfużjoni fost it-turisti u jitħeġġeġ l-ivvjaġġar; jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard li jipprovdu informazzjoni oġġettiva u preċiża dwar l-evoluzzjoni tal-pandemija;

16.

jenfasizza l-importanza li, bil-għan li t-turiżmu jirkupra, tiġi adottata strateġija komuni dwar il-mobbiltà tal-persuni fi ħdan l-UE biex titrawwem fiduċja akbar fl-ivvjaġġar, b’mod partikolari permezz tal-ittestjar għall-COVID-19 fil-pajjiż tat-tluq, jiġifieri qabel ma jibda l-vjaġġ, u b’hekk tissaħħaħ is-sigurtà tal-ivvjaġġar u jiġi evitat il-bżonn għal kwarantina;

17.

jilqa’ b’mod favorevoli r-rispons rapidu tal-UE biex jiġu salvati t-turiżmu u t-trasport, u b’mod partikolari l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn” u r-rakkomandazzjonijiet u l-linji gwida li jakkumpanjawha – il-pakkett tat-turiżmu u t-trasport. Dawn għenu lill-Istati Membri biex jerġgħu jistabbilixxu l-moviment liberu sikur u mingħajr restrizzjonijiet u l-ftuħ mill-ġdid tal-fruntieri interni, biex jindirizzaw il-kriżi fil-likwidità u jiksbu lura l-fiduċja tal-konsumaturi;

18.

jilqa’ wkoll b’mod pożittiv l-approvazzjoni tal-Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat (2), li ppermetta lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ akbar lill-kumpaniji; kif ukoll l-istrument Ewropew il-ġdid għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (3) (SURE), biex jiġi sostnut id-dħul tal-familji u tiġi ppreżervata l-kapaċità produttiva u l-kapital uman tal-kumpaniji u l-ekonomija; REACT-EU (4), li jippermetti lill-awtoritajiet maniġerjali jibdlu l-allokazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex jiġu indirizzati l-aktar effetti urġenti tal-kriżi; u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-benefiċċju tan-nies fis-settur tat-turiżmu li jkunu ġew imkeċċija bħala konsegwenza tal-kriżi; u proġetti bħall-pjattaforma online “Re-open EU (5)”, li toffri informazzjoni aġġornata dwar ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar fl-Ewropa, is-saħħa pubblika u l-miżuri ta’ sigurtà;

19.

japprezza l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea mmirati biex jiffaċilitaw il-fluss ta’ volumi akbar ta’ għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati l-kumpaniji Ewropej, u jipproponi li wħud mir-regoli (inkluża r-regola de minimis modifikata) jibqgħu fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ fir-reġjuni partikolarment milquta mill-kriżi;

20.

iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jużaw it-tipi kollha ta’ għajnuna li huma permessi b’mod temporanju skont il-Qafas biex jissodisfaw il-ħtiġijiet urġenti ta’ likwidità u biex ikopru l-ħtiġijiet immedjati tal-kapital operatorju u l-investiment, u li jippermettu li jiġu salvati kumpaniji li jinsabu fi kriżi akuta minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 (6), u b’hekk jingħataw l-opportunità li jadattaw u jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom;

21.

jilqa’ l-miżuri maqbula mill-Istati Membri tal-UE li huma, fi kliem il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni “eżempju ta’ solidarjetà”; iqis li huwa essenzjali li l-baġit tal-UE u l-Pjan ta’ Rkupru jkunu disponibbli malajr għall-bliet u għall-kumpaniji fil-bliet, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet kollha tal-Ewropa biex jiffaċċjaw din il-kriżi mingħajr preċedent;

22.

jitlob li jsir xogħol fuq il-ftehim biex tinkiseb sħubija reali bejn il-livelli kollha ta’ governanza, li tiffavorixxi r-responsabbiltà reċiproka u tiġi evitata ċentralizzazzjoni eċċessiva;

23.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tadotta serje ta’ linji gwida u listi ta’ kontroll (checklists) speċifiċi għall-UE għall-entitajiet lokali u reġjonali biex jagħtuhom struzzjonijiet fl-ewwel jiem tad-diżastri, anke qabel l-implimentazzjoni ta' miżuri nazzjonali u tal-UE; josserva li l-linji gwida li jinsabu fil-pakkett tat-turiżmu u t-trasport diġà jikkostitwixxu eżempju eċċellenti ta’ referenza;

24.

jidentifika l-miżuri tal-pakkett tat-turiżmu u t-trasport bħala l-ewwel pass importanti, immirat biex itejjeb il-kapaċità ta’ rispons tad-destinazzjonijiet lokali fil-konfront ta’ fażijiet ġodda tal-pandemija u fid-dawl ta’ diżastri oħra possibbli li jistgħu jkunu ta’ sfida għall-irkupru f’das-settur;

25.

iqis li minħabba l-pandemija hemm urġenza għal strateġiji ġodda li jappoġġjaw lis-settur tal-ospitalità, tar-ristoranti u tal-catering, u l-iżvilupp ta’ attivitajiet turistiċi fil-livell lokali, bħat-turiżmu rurali, il-gastronomija lokali, jew it-tradizzjonijiet lokali. Ix-xejriet inbidlu fuq skala globali, u lokalitajiet turistiċi iżgħar, destinazzjonijiet iżolati, fejn familji u gruppi iżgħar jistgħu jivvjaġġaw b’mod sikur, saru aktar attraenti. Sabiex is-settur tat-turiżmu jissopravivi fis-sentejn, tliet snin li ġejjin, jeħtieġ li nidderieġu lit-turisti tagħna lejn id-destinazzjonijiet tagħna stess;

26.

jenfasizza li l-ispejjeż minħabba l-miżuri ta’ prekawzjoni relatati mal-COVID-19 fit-trasport pubbliku jistgħu jiġu inkorporati f’kuntratti pubbliċi għal servizzi, biex b’hekk jiġi evitat it-trasferiment ta’ piżijiet finanzjarji addizzjonali għolja lill-awtoritajiet tat-trasport, li ħafna drabi jkunu awtoritajiet lokali u reġjonali;

27.

jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-implimentazzjoni gradwali tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża fit-tul sabiex tingħata spinta lill-viżitaturi li jaslu minn pajjiżi terzi u jħeġġeġ lit-turisti biex jirritornaw lejn l-Ewropa;

28.

jittama li fil-futur kwalunkwe deċiżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali dwar il-projbizzjonijiet fuq vjaġġar u għeluq temporanju tal-fruntieri tiġi kkomunikata minn qabel lill-awtoritajiet Ewropej, kif ukoll lir-reġjuni tal-fruntieri, biex tittejjeb il-koordinazzjoni u jiġi żgurat l-aċċess għall-informazzjoni fi żmien opportun;

29.

jappoġġja bis-sħiħ il-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa, biex jgħin fir-riabilitazzjoni tal-ħsara ekonomika u soċjali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, jagħti bidu għall-irkupru Ewropew u jħares u joħloq l-impjiegi;

Dwar il-ħtieġa li tittieħed azzjoni biex it-turiżmu jkun aktar sostenibbli

30.

jindika li t-turiżmu kien wieħed mill-industriji li kibru bl-aktar mod mgħaġġel f’dawn l-aħħar snin – tkabbir li wera d-diffikultajiet li jinkiseb żvilupp bilanċjat għad-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali tas-sostenibbiltà;

31.

jilqa’ l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar “L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja: qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew” (2010) u “Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali” (2014);

32.

jirrimarka li t-turiżmu issa qed jiffaċċja sfidi ġodda b’impatt kbir li se jkollu jindirizzahom, bħat-tibdil fil-klima, iż-żieda fil-konġestjoni, il-pressjoni eċċessiva fuq l-infrastruttura u l-konsum tal-ilma u l-enerġija, u d-degradazzjoni ambjentali, li jridu jiġu indirizzati b’mod urġenti u primarjament kif ukoll it-telf tal-identità u r-rispett għall-awtentiċità tal-komunitajiet lokali;

33.

isostni li t-turiżmu jista’ jkun attività li tintuża bħala mudell fit-tranżizzjoni ekoloġika sostenibbli prevista mill-Patt Ekoloġiku, u jemmen li l-Ewropa tista’ ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050, permezz tal-proċessi ta’ adattament ekonomiku għall-era diġitali u bil-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-inklużjoni soċjali, u jħeġġeġ bil-qawwa lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jieħdu l-mezzi meħtieġa biex jilħqu dawn l-għanijiet;

34.

jirrikonoxxi li dawn l-objettivi jintlaħqu biss jekk ikunu stabbiliti fuq bażi soda li tiddefinixxi b’mod preċiż il-kamp ta’ ambitu, l-obbligi u l-implikazzjonijiet li jinvolvu l-implimentazzjoni ta’ żvilupp tassew sostenibbli f’dan is-settur, bl-impenn sod li tiġi żgurata l-implimentazzjoni;

Dwar modi ta’ trasport għall-ivvjaġġar

35.

jinnota li t-turiżmu huwa katina ta’ valur kumplessa magħmula minn bosta partijiet interessati b’rabta diretta mal-attivitajiet tat-trasport tal-passiġġieri;

36.

ifakkar fil-ħtieġa għall-progress fl-industrija tat-turiżmu biex l-ekonomija ċirkolari tat-turiżmu ssir realtà;

37.

josserva li l-previżjonijiet tal-UNWTO u l-Forum Internazzjonali tat-Trasport jindikaw żieda fl-emissjonijiet tal-karbonju marbuta mat-trasport relatat mat-turiżmu ta’ madwar 25 % sal-2030;

38.

jirrikonoxxi, għalhekk, il-ħtieġa li jiġu studjati, stabbiliti jew implimentati modi kif tissaħħaħ il-konnettività tal-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa, li jiġu appoġġjati għażliet li jniġġsu inqas u li jiġi esplorat titjib fl-intermodalità f’konformità mal-objettiv finali tal-Patt Ekoloġiku. Għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon l-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti mnedija mill-Kummissjoni Ewropea fl-2020;

39.

iħeġġeġ bil-qawwa li l-Istati Membri tal-UE jingħaqdu b’mod urġenti biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ alternattivi tat-trasport sostenibbli u jinvestu fl-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ rotot ferrovjarji fuq distanza twila, b’mod partikolari l-ferroviji ta’ billejl, billi jagħmlu l-ivvjaġġar b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju għażla aktar attraenti;

40.

jappoġġja r-rabta tal-għajnuna pubblika lil-linji tal-ajru ma’ impenji min-naħa ta’ dawn il-linji tal-ajru biex jintlaħqu l-objettivi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu;

41.

jafferma li dan l-istess impenn għandu jiġi promoss fil-modi differenti ta’ trasport, kemm fit-trasport bit-triq kif ukoll fit-trasport marittimu, b’attenzjoni partikolari għall-kruċieri, minħabba l-impatt ambjentali għoli tagħhom;

42.

jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ appoġġ għat-trasport bix-xarabank u bil-ferrovija (modi ewlenin għat-trasport lokali u reġjonali) meta mqabbel mal-avjazzjoni, li jpoġġi aktar pressjoni fuq il-finanzjament tal-modi ta’ trasport aktar sostenibbli, u jitlob għal impenn qawwi biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ mobilità sostenibbli fl-Ewropa permezz tat-trasport ferrovjarju, u jfakkar li l-Kummissjoni Ewropea tidentifika t-titjib tal-kontribut tas-settur ferrovjarju għat-turiżmu sostenibbli fl-UE bħala objettiv għall-2021;

43.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li, meta jiġu implimentati l-miżuri futuri relatati mal-emissjonijiet tas-CO2 fit-trasport bl-ajru u marittimu previsti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fl-Istrateġija l-ġdida għal Mobilità Sostenibbli, titwettaq valutazzjoni tal-impatt tagħhom fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, li l-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħhom, kemm għall-mobilità taċ-ċittadini tagħhom kif ukoll għall-iżvilupp tal-attività ekonomika tagħhom, tiddependi ħafna mit-trasport bl-ajru u marittimu;

44.

jenfasizza l-ħtieġa għal appoġġ finanzjarju sabiex l-operaturi tat-trasport pubbliku, li esperjenzaw tnaqqis drammatiku fl-introjtu, jistgħu jiżviluppaw flotta tat-trasport aktar sostenibbli b’vetturi b’emissjonijiet ta’ livell żero u baxxi;

45.

jesprimi l-interess tiegħu li jaħdem fuq inizjattivi li jgħaqqdu l-ivvjaġġar bil-ferrovija mal-iskoperta kulturali u t-turiżmu fil-perjodu ta’ wara l-kriżi, jiżviluppa l-iskema #DiscoverEU u jaħdem mill-qrib ma’ rappreżentanti mir-reġjuni tal-UE sabiex jiġu promossi l-opportunitajiet għat-turiżmu bil-ferrovija matul u lil hinn mis-Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021);

46.

jirrimarka l-importanza li l-EuroVelo (7) tiġi rikonoxxuta bħala TEN-T ieħor (Network Trans-Ewropew tat-Trasport) minbarra n-networks eżistenti ta’ toroq, ferroviji jew ilmijiet navigabbli interni, li jwassal għal infrastruttura għaċ-ċiklisti aktar sikura, diretta, koerenti u konnessa, għall-benefiċċju tal-kategoriji kollha taċ-ċiklisti u jagħti spinta addizzjonali sinifikanti lit-turiżmu taċ-ċikliżmu;

Dwar ir-riperkussjonijiet fuq l-ambjent naturali

47.

jesprimi t-tħassib tiegħu li t-tisħin globali jista’ jnaqqas l-attrazzjoni jew saħansitra jhedded il-mezzi ta’ għajxien ta’ ċerti destinazzjonijiet turistiċi u jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima b’mod f’waqtu u skont l-aħħar xjenza bil-firxa ta’ inizjattivi u miżuri ta’ politika stabbiliti fl-Opinjonijiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni;

48.

ifakkar li din il-ġlieda ser tkun kruċjali għad-destin ta’ bosta reġjuni kostali u insulari minħabba l-livell tal-baħar dejjem jogħla, għall-istazzjonijiet tal-iskijjar affettwati minn nuqqas ta’ borra, u għar-reġjuni milquta minn nirien fil-foresti, għargħar jew tempesti qawwija tas-silġ (8);

49.

iqis li t-turiżmu jista’ jikkontribwixxi b’mod konsiderevoli għall-ambizzjoni Ewropea għal ekonomija ċirkolari u jinsisti li r-reġjuni u l-bliet għandhom ikunu parti mid-dibattitu dwar il-mod kif għandha tiġi promossa l-aġenda fuq il-post;

50.

jirrakkomanda li l-industrija tat-turiżmu u t-trasport ittejjeb l-offerta ta’ prodotti newtrali għall-klima permezz tal-użu ta’ enerġija nadifa, inqas sustanzi kimiċi li jagħmlu ħsara, inqas użu tal-plastik, il-proċessi ta’ riċiklaġġ tal-ilma tax-xita u dak domestiku mormi (9) li jnaqqsu b’mod konsiderevoli d-domanda għall-ilma tax-xorb min-network tal-provvista, u r-riċiklaġġ tal-iskart, u li dawn is-sistemi jintużaw b’mod aktar sistematiku;

51.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jkun hemm aktar appoġġ għat-turiżmu taċ-ċikliżmu, li jġib miegħu benefiċċji għall-ekonomiji lokali meta jsiru żjarat f’żoni li normalment wieħed ma jżurx fit-turiżmu konvenzjonali u meta jintużaw kumpaniji u servizzi lokali; barra minn hekk, l-infrastruttura meħtieġa għal dan hija ta’ benefiċċju għar-residenti lokali b’aktar konnettività li tgħin biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-komunitajiet lokali;

52.

jappoġġja l-kontinwazzjoni tal-grupp ta’ ħidma tad-DĠ MARE-European Boating Industry dwar it-tmiem tal-ħajja tal-vapuri biex jiġi żviluppat pjan direzzjonali komuni tal-UE dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni biex jiżdied ir-riċiklaġġ tal-materjal għall-bini tal-vapuri;

53.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġi promoss turiżmu marittimu kostali sostenibbli li fih jissaħħu l-attivitajiet biex jiġi interpretat u ppreservat l-ambjent tal-baħar. Barra minn hekk, jidentifika potenzjal kbir fin-navigazzjoni, l-isports bir-riħ u l-mewġ, l-għadis u b’mod ġenerali l-isport akkwatiku għax-xjenza, l-għarfien ambjentali, il-kartografija tal-oċeani u l-investigazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali;

54.

jenfasizza l-importanza tat-turiżmu għall-iżvilupp rurali, li m’għandux jibqa’ jiġi interpretat b’mod esklużiv f’termini ta’ żvilupp agrikolu, iżda bħala xprun għall-progress ta’ żoni rurali inqas żvilupati, b’art agrikola li hija marġinali u bi produttività baxxa iżda li hija ta’ valur enormi għall-ambjent u l-pajsaġġ u għall-protezzjoni tal-bijodiversità; għalhekk l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jinkludu t-turiżmu u l-opportunitajiet tiegħu fl-Istrateġija għall-Bijodiversità, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, il-Politika Agrikola Komuni ġdida u n-Network Natura 2000 kif ukoll fil-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali;

55.

iqis li huwa importanti li jiġi promoss turiżmu aktar sostenibbli u b’valur miżjud akbar għar-reġjuni billi jiġu inkorporati prodotti mingħajr kilometri fit-turiżmu, u jemmen li jeħtieġ li jiġu promossi ż-żoni naturali u protetti u l-potenzjal tas-sema bħala riżorsa turistika (astroturiżmu);

56.

jindika l-importanza li jintużaw it-teknoloġiji diġitali bbażati fuq il-5G, l-Internet tal-Oġetti, l-intelliġenza artifiċjali u l-Big Data biex jiġu pprovduti servizzi tat-turiżmu intelliġenti innovattivi, sostenibbli u skalabbli, b’valur miżjud għoli, li kapaċi jippromovu mudelli ġodda tat-turiżmu, aktar effiċjenti, aċċessibbli u inklużivi, estiżi għar-reġjuni kollha u b’enfasi speċjali fuq iż-żoni rurali, kif ukoll l-importanza li jkun hemm teknoloġiji tat-telekomunikazzjoni li jipprovdu konnettività adegwata f’dawn iż-żoni;

Dwar ir-riperkussjonijiet soċjali u ekonomiċi u l-ħtieġa li jiġi evitat li t-turiżmu jitqies bħala problema

57.

ifakkar li t-turiżmu, u b’mod partikolari t-turiżmu eċċessiv (li jaqbeż il-limiti tal-kapaċità fiżika, ekoloġika, soċjali, ekonomika, psikoloġika u/jew politika tad-destinazzjonijiet (10)), bħall-attivitajiet kollha tal-bniedem, jiġġenera impatt fuq l-ambjent soċjali fejn isseħħ l-attività;

58.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evitati l-effetti negattivi tat-turiżmu eċċessiv, li jwasslu għal żieda fil-konġestjoni, pressjonijiet fuq l-infrastruttura, domanda dejjem tikber għall-enerġija u l-ilma, degradazzjoni ambjentali, ħsara lis-siti u monumenti storiċi, telf tal-identità u l-awtentiċità, u żieda fl-għoli tal-ħajja għar-residenti lokali, flimkien mal-inugwaljanza dejjem tikber ta’ bejniethom; huwa tal-fehma li l-miżuri u l-inizjattivi għandhom jiġu kkunsidrati b’mod urġenti mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri biex jiġi evitat l-impatt negattiv tat-turiżmu eċċessiv;

59.

jisħaq li l-promozzjoni u l-iżvilupp tat-turiżmu fiż-żoni rurali jistgħu jkunu sors ta’ żvilupp ekonomiku u ħolqien tal-ġid, li jgħinu biex jattiraw lin-nies jew iwaqqfu t-tnaqqis fil-popolazzjoni fiż-żoni affettwati mid-depopolazzjoni;

60.

jirrakkomanda li jiġu implimentati politiki għall-promozzjoni u t-tisħiħ tal-pożiżżjoni tan-nisa. In-nisa għandhom rwol ewlieni fiż-żamma tan-negozji fis-settur tat-turiżmu, peress li huma l-atturi ewlenin fil-ġlieda kontra d-depopolazzjoni. L-iżgurar tal-impjegabbiltà tagħhom huwa garanzija biex il-popolazzjoni tibqa’ fejn hi. Għalhekk għandhom jiġu vvalutati l-ħtiġijiet tagħhom u jingħataw għodod biex jibnu l-kapaċità tagħhom u jsiru kompetittivi permezz ta’ taħriġ apposta;

61.

jirrimarka li xi mudelli tat-turiżmu bbażati fuq l-użu intensiv ta’ mezzi ta’ trasport bi prezz baxx u ċaqliq massiv ta’ vjaġġaturi jiffavorixxu t-turiżmu eċċessiv; fl-istess ħin, il-midja soċjali u l-pjattaformi għal skambji bejn il-pari jistgħu joħolqu pubbliċità esaġerata ta’ ċerti destinazzjonijiet; għalhekk jappella għal diskussjonijiet dwar iż-żieda u l-kwalità tat-turiżmu;

62.

jidentifika d-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona tan-NECSTouR “Postijiet aħjar fejn toqgħod, postijiet aħjar biex iżżur” bħala punt ta’ referenza biex turi li s-setturi tat-turiżmu u tal-wirt kulturali, kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli, jistgħu jaħdmu mill-qrib għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej u tal-wirt kulturali;

63.

jirrimarka li t-turiżmu għandu jitqies bħala parti mis-soluzzjoni u mhux bħala l-problema, u għalhekk jidentifika l-ħtieġa li jiġu fformulati proposti għal azzjonijiet ġodda, differenti minn dawk li diġà qegħdin joperaw, u li tingħata spinta aktar deċiżiva lil dawk li qegħdin jiffunzjonaw, sabiex tiġi enfasizzata l-ħtieġa li jiġu rregolati l-forom ġodda tat-turiżmu u l-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva skont il-kriterji ta’ kompetizzjoni ġusta, jissaħħu s-sistemi ta’ kontroll u spezzjoni u tiġi garantita l-kwalità u l-legalità tas-servizzi pprovduti f’qafas komuni ta’ kompetizzjoni kummerċjali ħielsa, filwaqt li jitħarsu l-wirt, il-kultura, l-identità u l-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni residenti;

64.

jirrimarka, f’dan ir-rigward, il-benefiċċji tat-tixrid tal-aħjar prattiki, strateġiji u metodoloġiji fit-turiżmu sostenibbli żviluppati fil-programmi differenti Ewropej bħal PANORAMED, proġetti orizzontali MED, MITOMED+ u WINTERMED, biex jippromovu l-kapitalizzazzjoni u r-replikabbiltà tagħhom;

65.

jipproponi, għaldaqstant, li l-Premju tal-Belt Kapitali Ewropea għat-Turiżmu Intelliġenti għandu jibqa’ jingħata;

Dwar id-diġitalizzazzjoni u d-data u l-vantaġġi tagħhom biex tiġi stabbilita sistema ta’ monitoraġġ u traċċabbiltà tal-azzjonijiet

66.

jenfasizza l-bidliet importanti fil-mezzi ta’ distribuzzjoni u fil-mod kif jiġi kkunsmat it-turiżmu, li ppermettew lil ħafna kumpaniji jilħqu l-klijenti tagħhom direttament, opportunità li ma ġietx sfruttata biżżejjed mill-kumpaniji ż-żgħar;

67.

jenfasizza l-informazzjoni bħala materja prima fundamentali għat-turiżmu, li qiegħda tintuża mill-aktar inizjattivi innovattivi f’dan is-settur;

68.

jidentifika l-importanza tal-inizjattiva tal-UNWTO Lejn qafas statistiku biex jitkejjel it-turiżmu sostenibbli (11), inklużi d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali;

69.

jissottolinja li fir-rigward tad-data, il-livell tad-dettall, il-kwalità, l-interpretazzjoni u l-użu korrett tagħha ser ikollhom impatt dirett fuq l-effettività tal-azzjonijiet politiċi biex jiffaċċjaw il-kriżi tal-COVID-19 u fit-tfittxija għal Ewropa newtrali għall-klima;

70.

jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni u l-frammentazzjoni tad-data rigward l-impatt ekonomiku tat-turiżmu, sitwazzjoni li ddgħajjef it-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-appoġġ tas-settur tat-turiżmu u t-trasport;

71.

jenfasizza li d-data uffiċjali ma tistax tipproduċi informazzjoni malajr biżżejjed biex tlaħħaq mas-sitwazzjoni attwali, u għalhekk ir-reġjuni u l-bliet kellhom jimplimentaw mekkaniżmi oħra ta’ kejl li għadhom mhumiex integrati fid-data uffiċjali;

72.

jilqa’ l-fatt li f’Marzu 2020 il-Kummissjoni Ewropea laħqet ftehim mal-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva (12) biex tippubblika data ewlenija dwar l-akkomodazzjoni turistika, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea biex b’mod konġunt tesplora indikaturi sabiex jiġu definiti strateġiji ta’ rkupru għall-benefiċċju tas-settur tat-turiżmu;

73.

ifakkar li l-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva qed iżidu l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni lokali billi jibdlu d-destinazzjoni tad-djar, minn dawk li jservu r-residenti lokali għal dawk li jservu lill-vjaġġaturi. Minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva mhumiex sempliċement fornituri ta’ informazzjoni. Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tilleġiżla biex tagħti l-possibbiltà lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jirregolaw l-attivitajiet ta’ pjattaformi bħal dawn fit-territorji tagħhom biex jiżguraw li jikkonformaw mal-istess regoli amministrattivi li jikkonċernaw il-kiri matul ix-xhur tas-sajf meta mqabbla ma’ partijiet interessati aktar tradizzjonali;

74.

jirrimarka l-ħtieġa li jiġu stabbiliti għodod standardizzati li jistgħu jiggwidaw il-bliet, ir-reġjuni u s-settur kummerċjali fit-tfittxija tagħhom għal politiki aktar sostenibbli, li huma integrati fil-programm statistiku Ewropew il-ġdid u li jsaħħu l-monitoraġġ ekonomiku, soċjali u ambjentali tat-turiżmu; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-aċċessibbiltà għad-data, li jissaħħu l-aġġornament u l-interkonnessjoni ta’ tali data u li tiġi pprovduta sistema ta’ mmappjar armonizzata;

75.

jirrakkomanda li jiġi definit qafas legali biex jiġu prodotti u ppubblikati Kontijiet Satelliti tat-Turiżmu f’kull wieħed mill-Istati Membri tal-UE;

76.

jappella għal ġbir aħjar ta’ data, fil-livell ta’ NUTS 3, dwar in-numru ta’ turisti u eskursjonisti, dwar forom oħra ta’ akkomodazzjoni u dwar it-tip ta’ trasport, u bi tqassim skont ir-reġjuni u d-destinazzjonijiet lokali prinċipali tal-istatistika tal-akkomodazzjoni;

77.

jirrakkomanda li tiġi implimentata sistema ta’ kejl għall-monitoraġġ tal-konsum tal-ilma u l-ġenerazzjoni ta’ emissjonijiet għas-settur tat-turiżmu, inklużi l-industrija tat-turiżmu u l-prodotti karatteristiċi tagħha, fil-kontijiet statistiċi tal-ilma, l-arja u l-enerġija;

78.

jinkoraġġixxi lill-Eurostat biex ikompli jesplora l-big data bħala sors għall-istatistika tat-turiżmu, filwaqt li jikkunsidra l-isfidi relatati mal-ġbir, l-indipendenza, il-fiduċja, l-aċċess, il-kwalità u d-disponibbiltà matul iż-żmien;

79.

jitlob li tiġi analizzata l-problema tat-turiżmu eċċessiv permezz tal-inklużjoni ta’ data kwalitattiva dwar l-attitudni tar-residenti lejn it-turiżmu fl-istudji dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet tal-ħajja, fl-istimi rapidi tal-impatt tat-turiżmu u fir-rapport “Il-kwalità tal-ħajja fil-bliet Ewropej” li sar mill-Kummissjoni Ewropea;

80.

jirrakkomanda li titkompla l-promozzjoni ta’ azzjonijiet li jsfruttaw u jottimizzaw ix-xogħol kbir li sar f’dawn l-aħħar snin mill-Kummissjoni Ewropea, bħas-sistema ta’ indikaturi ETIS, jew il-Pjattaforma S3 (13) għad-diġitalizzazzjoni u s-sigurtà għat-turiżmu u t-Tourism of Tomorrow Lab;

81.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew biex fil-programm statistiku Ewropew li jmiss jinkludu sistemi u għodod aktar immirati lejn il-bżonnijiet speċifiċi tar-reġjuni u l-bliet, li jippermettu t-traċċabbiltà adegwata tal-politiki tat-turiżmu implimentati;

Dwar il-ħtieġa għal rikonoxximent ġdid tat-turiżmu bħala politika fundamentali tal-UE f’konformità mal-kontribut u l-potenzjal ta’ tkabbir tat-turiżmu u biex dan il-qasam juri iktar impenn għall-iżvilupp sostenibbli

82.

jesprimi x-xewqa tiegħu li l-kriżi attwali tkun sejħa għal azzjoni li tinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprattika politika tat-turiżmu aktar ambizzjuża għall-Ewropa fil-livell ambjentali, ekonomiku u soċjali;

83.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex torganizza Konvenzjoni Ewropea dwar it-Turiżmu sabiex tiżviluppa pjan direzzjonali għall-2050 lejn ekosistema turistika Ewropea sostenibbli, innovattiva u reżiljenti (Aġenda Ewropea għat-Turiżmu 2050) li fiha r-reġjuni jipparteċipaw b’mod attiv;

84.

juri r-rieda tiegħu biex jorganizza konferenza tal-partijiet interessati li fiha jipparteċipaw korpi pubbliċi u privati, biex jaqsmu l-esperjenza relatata mal-perkors lejn l-irkupru magħżula mid-destinazzjonijiet differenti u l-forma li t-turiżmu tal-UE ser jaddotta fil-futur;

85.

jittama li l-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew jgħaqqad l-isforzi tiegħu ma’ dawk meħuda mill-KtR fit-tfittxija għal politika tat-turiżmu soda fl-UE;

86.

jipproponi sessjoni konġunta tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni NAT tal-KtR biex jiġi diskuss il-futur tal-politika tat-turiżmu fl-UE wara l-kriżi tal-COVID-19 u b’rabta mad-diskussjonijiet dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2021-2027;

87.

jistenna bil-ħerqa kollaborazzjoni mill-qrib mat-Task Force għat-Turiżmu tal-Parlament Ewropew u jitlob li jkun assoċjat bis-sħiħ ma’ dan it-Task Force sabiex ikun il-vuċi tal-livell lokali u reġjonali fid-diskussjonijiet tiegħu;

88.

itenni l-importanza li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali tagħhom jinkludu l-prijoritajiet tat-turiżmu fil-programmi operattivi tagħhom wara l-2020, sabiex jiffavorixxu l-aċċess għall-finanzjament Ewropew biex jiġu ffinanzjati l-proġetti tat-turiżmu;

89.

jirrimarka li l-mekkaniżmu ta’ finanzjament attwali huwa diffiċli jiġi aċċessat mill-SMEs u d-destinazzjonijiet u jipproponi l-ħolqien ta’ għodod konkreti (punt ta’ kuntatt uniku jew għodda online), marbuta mal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fondi Ewropej, li jiffaċilitaw l-applikazzjoni u l-ipproċessar;

90.

jirrakkomanda li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-UNWTO permezz ta’ memorandum ta’ qbil u l-iżvilupp ta’ pjani ta’ azzjoni konġunti;

91.

jistieden lill-Kunsill jinkludi l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tiegħu fil-gruppi ta’ ħidma u laqgħat tal-Kunsill relatati mat-turiżmu;

92.

jipproponi li jitfassal Qafas Ewropew ġdid għal Turiżmu Sostenibbli, allinjat mal-Patt Ekoloġiku u l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti, li jqis l-istrateġiji reġjonali rilevanti u jintegra l-politiki diversi li l-UE qed tiżviluppa u ssegwi f’dan il-qasam, bħall-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tas-settur, il-promozzjoni tad-destinazzjonijiet turistiċi intelliġenti, id-dekarbonizzazzjoni tal-attività, il-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari, l-ispinta lit-turiżmu inklużiv u aċċessibbli, it-trażżin tad-depopolazzjoni rurali, it-titjib tal-governanza parteċipattiva u s-sħubijiet pubbliċi-privati;

93.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tanalizza l-ħolqien ta’ direttorat ġenerali ddedikat esklużivament għat-turiżmu sostenibbli, kif ukoll biex tittrasferixxi l-istess interess lill-Parlament Ewropew, sabiex dan jikkunsidra joħloq kumitat parlamentari speċjali ċċentrat fuq is-sostenibbiltà tat-turiżmu.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  https://www.e-unwto.org/doi/epdf/10.18111/wtobarometereng.2020.18.1.4

(2)  https://ec.europa.eu/competition/state_aid/what_is_new/sa_covid19_temporary-framework.pdf

(3)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020PC0139

(4)  https://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/factsheet/2020_mff_reacteu_en.pdf

(5)  https://reopen.europa.eu/mt

(6)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1587137448000&uri=CELEX:52020DC0112

(7)  Network Ewropew ta’ 17-il rotta ta’ ċikliżmu fuq distanza twila li jaqsmu u jgħaqqdu l-kontinent kollu.

(8)  https://www.europarl.europa.eu/thinktank/en/document.html?reference=EPRS_BRI(2017)603932

(9)  https://ec.europa.eu/environment/emas/takeagreenstep/pdf/BEMP-5.7-FINAL.pdf

(10)  Studju reċenti tal-Parlament Ewropew identifika 105 destinazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea li kienu f’riskju ta’ turiżmu eċċessiv; ara: https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/629184/IPOL_STU(2018)629184_EN.pdf

(11)  https://www.unwto.org/Measuring-Sustainability-Tourism

(12)  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_20_194

(13)  https://s3platform.jrc.ec.europa.eu/tourism


2.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/16


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE għall-Irkupru Rurali

(2021/C 37/03)

Relatur:

Enda STENSON (IE/AE), Membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Leitrim

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

josserva li ż-żoni rurali u intermedji jirrappreżentaw 88 % tat-territorju tal-UE, filwaqt li fihom tgħix 55 % tal-popolazzjoni tagħha, jiġi prodott 43 % tal-valur miżjud gross tagħha u fihom jinsabu 56 % tal-impjiegi tagħha. Josserva wkoll li ż-żoni rurali mhumiex omoġenji, iżda li xi wħud minnhom huma milquta minn sfidi demografiċi kbar (depopolazzjoni, problemi ta’ tixjiħ, eċċ.) li jfixklu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom. Għalhekk, l-iżvilupp rurali huwa suġġett importanti ferm għall-Kumitat tar-Reġjuni, u għodda kruċjali biex jintlaħaq l-għan ta’ koeżjoni territorjali stabbilit fit-Trattat ta’ Lisbona;

2.

jenfasizza li l-viżjoni l-ġdida fit-tul għaż-żoni rurali għandha tinbidel f’qafas ta’ politika konkret – l-Aġenda Rurali. L-Aġenda Rurali jeħtieġ tipproponi sett ta’ politiki integrati li jippermettu u jawtonomizzaw lill-komunitajiet rurali biex jibdlu l-isfidi f’vantaġġi; dawn l-isfidi jinkludu d-dekarbonizzazzjoni, it-tibdil fil-klima, id-diġitalizzazzjoni, il-ġestjoni attiva tar-riżorsi naturali, il-mobbiltà sostenibbli u opportunitajiet ġusti ta’ impjieg u introjtu, it-tibdil ġenerazzjonali, l-integrazzjoni ta’ migranti ġodda u l-innovazzjoni soċjali;

3.

jenfasizza li l-Aġenda Rurali għandha:

tiżgura li r-rabtiet rurali-urbani li huma ta’ benefiċċju reċiproku jiġu integrati fil-politiki kollha tal-UE skont l-objettivi tal-koeżjoni territorjali billi jsir l-aħjar użu mill-interdipendenza qawwija bejn iż-żoni rurali u dawk urbani;

tiddiversifika l-punti ta’ aċċess u tintegra l-kwistjonijiet rurali prinċipali fil-politiki kollha tal-UE. Il-ħtiġijiet taż-żoni rurali jmorru ferm lil hinn minn dak li tista’ tikseb il-politika tal-iżvilupp rurali, iżda dak li l-finanzjament tal-UE joffri bħalissa mhuwiex biżżejjed f’termini kemm ta’ kwantità kif ukoll ta’ kwalità;

tarmonizza r-regolamenti differenti u tintegra mill-ġdid il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni sabiex jitħeġġu u jiġu ffaċilitati proġetti li jinvolvu diversi fondi fiż-żoni rurali, mhux neċessarjament marbuta mal-agrikoltura;

timmonitorja l-infiq tal-UE bl-użu tal-approċċ ta’ “verifika rurali”;

tanalizza u tfassal mill-ġdid it-tipoloġija urbana-rurali, biex jittejjeb l-immirar tal-appoġġ;

issaħħaħ ir-rwol tal-livelli lokali u reġjonali fl-iżvilupp u l-governanza tal-politiki rurali. L-involviment tal-gruppi ta’ azzjoni lokali fl-użu ta’ dan it-tip ta’ governanza jrid jiżdied, minħabba l-kapaċità tagħhom li jirrappreżentaw liż-żoni lokali u jimplimentaw politiki ta’ żvilupp imfassla apposta għar-rekwiżiti u l-ħtiġijiet ta’ żoni li huma depopolati jew f’riskju demografiku permezz tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati rurali u ċ-ċittadini permezz ta’ inizjattivi minn isfel għal fuq bħal-LEADER/l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità;

tindirizza d-depopolazzjoni u l-esklużjoni soċjali permezz, pereżempju, tal-promozzjoni tal-inizjattiva ta’ rħula intelliġenti, il-bijoekonomija u l-innovazzjoni soċjali u permezz tal-eliminazzjoni tad-distakk diġitali;

4.

jenfasizza l-objettiv li titfassal aġenda ġenwina għall-irkupru rurali li trid tinkorpora dawn li ġejjin: appoġġ għal komunitajiet rurali sostenibbli u vibranti, appoġġ għall-intrapriża, għall-edukazzjoni, u għat-taħriġ, ħolqien ta’ impjieg u postijiet tax-xogħol, trawwim ta’ żvilupp rurali li jirrifletti s-sitwazzjoni demografika lokali, titjib tas-servizz pubbliku (saħħa, edukazzjoni, ġustizzja, eċċ.) diġitali u tal-konnettività infrastrutturali, sfruttar tal-potenzjal tat-turiżmu rurali f’ambjent naturali u agrikolu f’saħħtu u diversifikat, u promozzjoni tal-kreattività u tal-potenzjal kulturali taż-żoni rurali;

5.

jenfasizza li d-diversità kulturali u bijoloġika huma marbutin ħafna madwar l-Ewropa kollha u flimkien jikkostitwixxu identità unika għar-reġjuni, u meta l-konnessjoni bejniethom issir aktar b’saħħitha din għandha potenzjal kbir biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-Unjoni Ewropea. Huwa meħtieġ fehim aktar profond, peress li l-għarfien ekoloġiku tradizzjonali mhuwiex inkluż fl-istrateġiji tal-iżvilupp rurali u d-direttivi dwar in-natura. Jeħtieġ li jsir progress fir-rigward tar-rabtiet bejn il-bniedem u n-natura permezz tal-kunċett tad-diversità bijokulturali, bħala element essenzjali ta’ identità. Il-kapital naturali għani tar-reġjuni Ewropej huwa ta’ importanza ewlenija fl-ekonomija u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-għanijiet tal-UE tal-iżvilupp sostenibbli u l-bijodiversità. Hemm diversi rabtiet bejn il-komunitajiet lokali u l-art tagħhom, l-għarfien ekoloġiku rikk tradizzjonali u t-teknoloġiji favur l-ambjent. Dawn l-elementi huma preżenti fl-Ewropa kollha anke llum, madankollu jeħtieġu aktar rabta u rikonoxximent fil-livelli kollha tas-soċjetà;

6.

jenfasizza li l-kriżi pandemika attwali ħarġet fid-dieher u aggravat il-konsegwenzi ta’ għadd ta’ theddidiet li ż-żoni rurali ilhom jaffaċċjaw, u żiedet l-urġenza għall-irkupru rurali fir-reġjuni madwar l-Unjoni Ewropea. Iż-żoni rurali, il-bliet żgħar f’żoni rurali, u l-irħula ġew eliminati, fost oħrajn, minħabba t-tnaqqis fid-domanda għall-prodotti agrikoli minħabba l-għeluq tas-setturi tat-turiżmu u l-ospitalità, nuqqas ta’ kapaċità li jinstabu ħaddiema staġjonali essenzjali, iżolament soċjali qawwi, u vulnerabbiltà ogħla għall-pandemija minħabba s-servizzi limitati preżenti fi sptarijiet reġjonali żgħar;

7.

jinnota li, minn perspettiva aktar fit-tul, il-pandemija tista’ tbiddel ix-xejriet tal-konsum u tal-produzzjoni, id-drawwiet tax-xogħol mill-bogħod, l-importanza tal-kwalità tal-ħajja u tal-forom ta’ mobbiltà, li jistgħu jiftħu opportunitajiet ġodda għal tkabbir sostenibbli fir-reġjuni rurali, b’mod partikolari dawk li jinsabu qrib u huma konnessi tajjeb maċ-ċentri metropolitani. Il-valutazzjoni mill-ġdid tar-rilokalizzazzjoni tal-ktajjen ta’ produzzjoni tista’ wkoll tiftaħ opportunitajiet ġodda f’ċerti żoni rurali;

8.

jinnota li r-reġjuni rurali tal-UE għandhom potenzjal kbir li jipproduċu soluzzjonijiet għall-isfidi attwali u emerġenti. Ir-reġjuni rurali jagħtu kontributi sinifikanti biex jintlaħqu l-SDGs u l-Patt Ekoloġiku Ewropew billi jirreaġixxu għat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u d-depressjoni ekonomika; billi jipprovdu miżuri għall-mitigazzjoni u l-qbid (l-effett ta’ bir) tal-gassijiet b’effett ta’ serra, għall-bijotopi, u opportunitajiet ekonomiċi permezz tal-produzzjoni sostenibbli tal-ikel u l-enerġiji rinnovabbli, filwaqt li jiġi rikonoxxut li huwa fiż-żoni urbani li jeħtieġ issir enfasi akbar fuq it-tnaqqis tat-tniġġis mill-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra;

9.

jirrakkomanda li fl-ispirtu tal-koeżjoni territorjali u l-ekwilibriju rurali-urban, huwa importanti li jiġi żgurat li l-prinċipji magħrufa bħala t-“3 Es” (Equilibrium, Equality, Equity) jiġu osservati fir-rigward tal-politiki u r-riżorsi Ewropej kollha:

Ekwivalenza fl-istandards tal-għajxien bejn ir-rurali u l-urban, li għandha tkun inkluża bħala prinċipju bażiku fil-politiki Ewropej kollha;

Ugwaljanza fid-drittijiet għaċ-ċittadini kollha, irrispettivament minn jekk jgħixux fil-bliet jew fiż-żoni rurali (ref. Karta tad-Drittijiet Fundamentali);

Ekwità fil-mezzi u l-prattiki fost l-atturi u t-territorji kollha, speċjalment bl-użu ta’ skambji u kompetenzi reċiproċi sabiex jikkumpensaw għall-karatteristiċi speċifiċi tat-territorji rurali;

Il-finanzjament għall-politika tal-iżvilupp rurali

10.

jitlob li ż-żoni rurali jitqiesu aħjar fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss billi jiżdied il-livell tal-FAEŻR u billi jiġi żgurat li l-politiki kollha tal-UE jagħtu attenzjoni rilevanti lill-iżvilupp rurali b’mod wiesa’, u mhux biss billi jagħmlu enfasi fuq kwistjonijiet relatati mal-agrikoltura;

11.

jitlob għal żidiet fil-baġit Ewropew iddedikat għall-iżvilupp rurali, minħabba l-importanza taż-żoni rurali fl-Ewropa. B’mod inkwetanti, l-allokazzjoni l-ġdida tal-QFP hija ferm aktar baxxa minn dik fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali u l-KtR jitlob li dan jitreġġa’ lura u li l-finanzjament rurali jiżdied, speċjalment għall-perjodu 2023-2027; fl-istess ħin jitlob li jintużaw fondi u programmi ġodda għall-irkupru u r-reżiljenza fuq skala kbira għall-iżvilupp rurali peress li ż-żoni rurali jappartjenu għal dawk l-aktar vulnerabbli;

12.

jirrifjuta l-idea li jiżdied il-kofinanzjament għat-tieni pilastru tal-PAK, peress li dan ikun ta’ żvantaġġ l-aktar għall-ifqar bdiewa, ir-reġjuni inqas żviluppati u ż-żoni rurali;

13.

jipproponi li jiġu trasferiti sa 15 % tal-fondi mill-pilastru 1 tal-PAK għall-pilastru 2 mingħajr kofinanzjament, flimkien ma’ 15 % addizzjonali għal miżuri ambjentali u klimatiċi u 2 % għall-bdiewa żgħażagħ;

14.

jitlob li l-punti ta’ aċċess jiġu diversifikati u l-kwistjonijiet rurali jiġu integrati fil-politiki kollha tal-UE. Il-politiki strutturali kollha għandhom jagħmlu l-iżvilupp rurali wieħed mill-objettivi prijoritarji tagħhom, skont l-objettiv tal-koeżjoni territorjali stabbilit fit-Trattat ta’ Lisbona;

15.

jitlob il-ħolqien ta’ Fond għall-Iżvilupp Rurali, iddedikat speċifikament għaż-żoni rurali, fil-QFP il-ġdid;

16.

jitlob li l-istrumenti finanzjarji jiġu żviluppati aktar u adattati għal proġetti fuq skala żgħira, possibbilment permezz tal-ħolqien ta’ “banek ta’ żvilupp rurali”, li jistgħu jaġixxu bħala intermedjarji bejn l-istituzzjonijiet ta’ self u r-riċevituri ta’ self;

17.

jitlob aktar armonizzazzjoni bejn il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u fondi Ewropej oħrajn, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Orizzont Ewropa, biex jiġi indirizzat l-iżvilupp sostenibbli fiż-żoni rurali. Dawn is-sinerġiji jippermettu lill-atturi rurali jindirizzaw aħjar il-kwistjonijiet trasversali, itejbu l-kooperazzjoni u jtejbu l-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali;

18.

jinkoraġġixxi s-semplifikazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment u jitlob ukoll is-semplifikazzjoni tar-rappurtar u l-monitoraġġ tal-programmi, b’mod partikolari permezz tat-teknoloġiji ġodda ta’ informazzjoni u komunikazzjoni;

It-tisħiħ tar-rwol tal-livelli lokali u reġjonali fil-governanza tal-politiki rurali

19.

jinnota li l-proposta leġiżlattiva dwar il-pjani strateġiċi tal-PAK għandha t-tendenza li timmarġinalizza jew saħansitra tipperikola r-rwol u l-awtonomija tar-reġjuni Ewropej fil-ġestjoni tal-PAK, u tagħtihom biss il-kompitu li jimplimentaw miżuri stabbiliti fil-livell nazzjonali;

20.

huwa favur PAK futura li żżomm relazzjoni diretta maż-żoni tat-territorju rurali permezz tar-rwol attiv tar-reġjuni tal-UE, li jaqdu rwol kruċjali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-iżvilupp rurali fil-livell lokali;

21.

jitlob li jkun hemm flessibbiltà fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-introduzzjoni ta’ skemi ta’ tiġdid rurali u tal-irħula biex ikun hemm lok għall-iżvilupp fiż-żoni rurali. Barra minn hekk, jeħtieġ li jkun hemm rikonoxximent aktar b’saħħtu tal-istrateġiji lokali u reġjonali b’rabta mal-iżvilupp rurali, u dawk l-istrateġiji jeħtieġ li jiġu integrati kif xieraq fl-oqfsa ta’ ppjanar nazzjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaġixxu bħala sensara tal-innovazzjoni fil-komunitajiet lokali;

Id-depopolazzjoni

22.

jinnota x-xejra inkwetanti ta’ depopolazzjoni rurali li, hekk kif qed tevolvi l-biedja, qed tikkonċentra l-ħolqien tal-impjiegi prinċipalment madwar iċ-ċentri urbani li jwassal għal tnaqqis fil-provvista ta’ servizzi rurali;

23.

iħeġġeġ l-istabbiliment ta’ kriterji biex jiġu identifikati ż-żoni rurali li jinsabu fil-livell ta’ taħt in-NUTS3 u li għandhom problemi ta’ depopolazzjoni, sabiex tiġi indirizzata d-depopolazzjoni f’dawn iż-żoni u jitnaqqsu l-iżbilanċi eżistenti;

24.

jissuġġerixxi, madankollu, li d-depopolazzjoni tirrikjedi metodi ġodda ta’ kif jitqies l-iżvilupp rurali, liema metodi jridu jqisu mill-ġdid it-tnaqqis tal-popolazzjoni mhux iżjed bħala piż, iżda bħala opportunità pożittiva potenzjali;

25.

jemmen li meta jiġi aċċettat, it-tnaqqis jista’ jgħin biex il-politiki rurali u d-deċiżjonijiet ta’ investiment jiġu orjentati mill-ġdid favur tkabbir aktar ekoloġiku u fuq livell iżgħar, jipprovdi opportunitajiet ġodda ta’ innovazzjoni, u jimmodernizza l-governanza u s-servizzi pubbliċi permezz ta’ strateġiji aktar olistiċi, proattivi u bbażati fuq il-post;

26.

iħeġġeġ l-użu tat-telexogħol u d-diġitalizzazzjoni, l-edukazzjoni diġitali u t-taħriġ. Jemmen li l-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol mobbli u mill-bogħod matul il-pandemija attwali juru l-potenzjal ta’ dak li jista’ jinkiseb fiż-żoni rurali meta s-servizzi jkunu disponibbli;

27.

jemmen li l-aċċettazzjoni tax-xejra lejn id-depopolazzjoni rurali u l-abbandun tal-azjendi agrikoli tfisser li jeħtieġ li jitfasslu politiki u strateġiji rurali li għandhom l-għan li jagħmlu t-territorju abbandunat aktar reżiljenti għall-effetti tat-tibdil fil-klima bħall-erożjoni, l-għargħar jew in-nirien kbar; għandu jsir sforz akbar għat-tnaqqis tal-marka tal-karbonju u l-promozzjoni tal-preservazzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ. Għal dan il-għan iqis li l-promozzjoni tas-settur tal-forestrija u l-appoġġ għall-komunitajiet li huma sidien tal-foresti joffru potenzjal kbir;

28.

jesprimi l-ħtieġa li ssir enfasi fuq l-istil ta’ ħajja rurali u tiġi miġġielda l-eġemonija kulturali u soċjali tal-istil ta’ ħajja urban sabiex jiġu eliminati l-isterjotipi, u b’hekk jitjiebu l-immaġni u r-reputazzjoni tat-territorji l-aktar milquta mir-riskji demografiċi, filwaqt li jinħoloq sens ta’ solidarjetà bejn iż-żoni, u jħeġġeġ il-kummerċjalizzazzjoni territorjali: iż-żoni rurali jeħtieġ li jtejbu l-immaġni tagħhom u jippromovu l-kwalità ta’ ħajja aħjar disponibbli għall-persuni meta jagħżlu li jgħixu hemm. Dan jista’ jsir billi jiġu żviluppati rappreżentanza reġjonali, politiki akkoljenti u komunikazzjoni aħjar dwar offerti ta’ impjiegi, inklużi għażliet ta’ xogħol u taħriġ mill-bogħod, disponibbli fir-reġjun;

29.

huwa tal-fehma li għandu jkun hemm enfasi speċifika fuq il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ biex jiġu mħeġġin jibqgħu fiż-żoni rurali, billi jiġu pprovduti bl-għażliet ta’ edukazzjoni, ta’ tagħlim ta’ ħiliet/ħiliet mill-ġdid u ta’ taħriġ mixtieqa, implimentati lokalment, biex tiġi evitata l-ħtieġa li jitilqu biex isegwu l-istudji tagħhom (inkluż permezz ta’ apprendiment mill-bogħod meta jkun meħtieġ), u billi jiġu introdotti miżuri biex wara l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom jirritornaw lejn il-post tal-oriġini tagħhom;

30.

jitlob l-immodernizzar tal-opportunitajiet ta’ taħriġ vokazzjonali u ta’ tagħlim ta’ ħiliet/ħiliet mill-ġdid disponibbli fiż-żoni rurali, u li dawn jiġu adattati skont il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni globali u l-ħtiġijiet tal-intrapriżi lokali, u biex jiġi żviluppat aktar il-finanzjament tal-FSE għat-taħriġ vokazzjonali fiż-żoni rurali;

31.

itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikunu iżjed proattivi meta jħeġġu u jiffaċilitaw l-istabbiliment tan-nisa f’żoni rurali, permezz tal-promozzjoni ta’ attivitajiet li jgħinuhom jilħqu iżjed faċilment il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol (1), u billi tiġi estiża l-firxa tas-servizzi ta’ indukrar tat-tfal u ta’ kura ta’ qraba dipendenti;

It-tkabbir ekoloġiku

32.

jirrikonoxxi li ż-żoni rurali għandhom jaħtfu l-opportunitajiet biex jiżviluppaw ekosistemi lokali tal-enerġija u tal-ikel u l-opportunitajiet ta’ integrazzjoni rurali/urbana aktar b’saħħitha;

33.

iqis li huwa essenzjali li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni u t-tmexxija tan-nisa fil-gruppi ta’ azzjoni lokali u n-networks tal-iżvilupp rurali, u b’hekk jiġi rikonoxxut ir-rwol tan-nisa bħala fattur kruċjali fl-istruttura territorjali, ekonomika u soċjali taż-żoni rurali;

34.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u huwa tal-fehma li dawn jistgħu joħolqu impjiegi u jevitaw li jkun hemm rilokazzjoni ekonomika barra miż-żoni rurali. Huwa meħtieġ investiment biex jiġu sfruttati l-proġetti sostenibbli li huma mmexxija mill-komunità u li huma orjentati lejn mudelli tal-ekonomija ċirkolari li jisfruttaw il-ktajjen tal-produzzjoni, joħolqu l-impjiegi u li jnaqqsu l-marka tal-karbonju;

35.

jappoġġja PAK li tkun ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli u li permezz tal-istandards ambjentali tagħha tkun strument ieħor għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u l-Istrateġija dwar il-Bijodiversità u li tkun tistà tilħaq l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

36.

jirrakkomanda li l-bdiewa, dawk li jrabbu l-bhejjem u l-forestiera għandhom jitħarrġu u jiġu ffinanzjati biex jidentifikaw opportunitajiet fil-ġestjoni sostenibbli tal-ambjent naturali u għażliet ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-prodotti tagħhom li jiġu kkomplementati bil-prodotti tas-setturi tal-enerġija, tat-turiżmu u dak tal-ħżin tad-diossidu tal-karbonju u tal-ekosistemi lokali. Għandu jingħata appoġġ akbar biex jiġu stabbiliti kooperattivi li jlaqqgħu flimkien il-produtturi ż-żgħar fis-setturi kollha;

Il-konnettività diġitali

37.

jinnota li ħafna minn dan l-investiment iffoka fuq żoni b’densità għolja, iżda l-investiment rurali għandu jingħata prijorità biex jiġi żgurat li ż-żoni rurali jkollhom infrastruttura ta’ konnettività diġitali adatta, pereżempju ċentri diġitali u tal-innovazzjoni li jiffaċilitaw l-edukazzjoni u x-xogħol mill-bogħod, l-ispazju għall-intraprenditorija, u l-provvista ta’ taħriġ biex jintużaw teknoloġiji ġodda li, pereżempju, jistgħu jgħinu fil-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti bbażati lokalment;

38.

jenfasizza li n-networks ta’ telekomunikazzjoni b’veloċità għolja huma ta’ importanza kritika għall-kompetittività rurali u t-tkabbir ekonomiku, u għandhom isiru sforzi biex tiġi garantita l-istess kapaċità għar-reġjuni kollha, skont l-objettivi stabbiliti fil-kuntest tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa 2020;

39.

jitlob li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza b’baġit ta’ EUR 560 biljun tinvesti f’aktar konnettività u konnettività aħjar u li tiffoka fuq it-tneħħija tad-distakk diġitali bejn iż-żoni rurali u dawk urbani;

40.

jitlob:

ir-rikonoxximent tal-aċċess għall-internet bħala dritt pubbliku fil-livell tal-UE u tal-ħtieġa li jiġi aċċellerat l-iżvilupp tal-internet b’veloċità għolja fiż-żoni rurali;

appoġġ għall-aċċess għall-finanzjament għall-investiment fin-networks tal-broadband għal proġetti fuq skala żgħira;

ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li jiġu diġitalizzati s-servizzi pubbliċi, jiġi implimentat taħriġ għal kategoriji ta’ etajiet tal-popolazzjoni differenti fl-użu tat-teknoloġiji diġitali u li t-tagħlim jiġi adattat għal udjenzi fil-mira;

azzjoni biex tingħata spinta lit-taħriġ, l-għarfien u l-iżvilupp tal-ICT għall-SMEs;

miżuri li jagħmluha aktar faċli għall-kumpaniji tas-servizz tal-internet biex joffru kopertura sħiħa tat-territorju;

L-aċċess għas-servizzi

41.

jenfasizza li l-komunitajiet rurali tabilħaqq għandhom dritt għal standard bażiku għas-servizzi, bħas-servizzi tas-saħħa (servizzi ta’ tabib), il-possibbiltà li jaċċessaw servizzi postali, bankarji u ta’ assigurazzjoni fiż-żoni rurali, il-parteċipazzjoni politika u l-arti u l-kultura;

42.

jinnota s-sovrappożizzjoni bejn in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ infrastruttura diġitali u n-nuqqas ta’ aċċess għas-servizzi, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċessibbiltà armonjuża għal kulħadd u għan-negozji bbażati fiż-żoni rurali. Jistgħu jiġu żviluppati ċentri ta’ użu multifunzjonali bħal ċentri ta’ edukazzjoni, ta’ xogħol, ta’ taħriġ u tas-saħħa mill-bogħod u ċentri li jipprovdu servizzi elettroniċi tas-saħħa, kafetteriji, uffiċċji tal-posta, spazji ta’ kreattività, laboratorji mobbli ta’ fabbrikazzjoni, u ċentri tal-komunità;

43.

jieħu nota tal-ħtieġa għal sistemi tat-trasport sostenibbli/innovattivi li jippermettu aċċess għal servizzi essenzjali, peress li tali sistemi tat-trasport huma mifhuma bħala estensjoni tas-servizzi pubbliċi bażiċi mill-muniċipalitajiet b’popolazzjoni kbira sal-muniċipalitajiet rurali iżgħar;

Il-kwalità tal-ħajja

44.

josserva li t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi huma importanti iżda jeħtieġ li jiġu kkomplementati, fost l-oħrajn, bi provvista suffiċjenti ta’ servizzi, akkomodazzjoni, edukazzjoni u taħriġ, tagħlim tul il-ħajja u sistemi tas-saħħa ta’ kwalità tajba biex jiġi żgurat li ż-żoni rurali ma jkunux biss sostenibbli iżda wkoll postijiet attraenti biex wieħed jgħix fihom;

45.

jilqa’ l-iżvilupp ta’ infrastruttura interoperabbli tad-data skont l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għad-data tad-19 ta’ Frar 2020, li tinkludi spazji ta’ data speċifika (eż. spazju tad-data dwar il-mobbiltà, spazju tad-data ambjentali, spazju tad-data agrikola, spazju tad-data amministrattiva, spazju tad-data dwar is-saħħa u spazju tad-data dwar l-enerġija). Din hija bbażata fuq l-infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika fl-Ewropa skont id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (INSPIRE) bħala komponent trasversali, u b’hekk tista’ tiggarantixxi l-provvista sostenibbli u effiċjenti ta’ servizzi pubbliċi u privati fiż-żoni rurali;

46.

jappella għal pjan ta’ azzjoni innovattiv li jindirizza n-nuqqas ta’ konnettività tat-trasport għar-reġjuni rurali, muntanjużi, tal-gżejjer u ultraperiferiċi; jinkoraġġixxi l-mobbiltà sostenibbli għal kulħadd, permezz tal-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ mezzi tat-trasport ġodda, nodfa u alternattivi għall-persuni u l-merkanzija (vetturi elettriċi jew tal-idroġenu, car-sharing u car-pooling, u taħlita ta’ tipi differenti ta’ servizzi biex jitnaqqsu l-ispejjeż – trasport fuq talba (on-demand));

47.

jippromovi l-kooperazzjoni intermuniċipali, imsejħa “kuntratti ta’ reċiproċità bejn il-kampanja u l-bliet”, li tirrikonoxxi d-diversità taż-żoni rurali u tfittex li trawwem rabtiet bejn iż-żoni urbani u dawk rurali;

48.

jenfasizza li dan it-tip ta’ approċċ marbuta mal-ġestjoni tat-territorju jirrikjedi strateġiji usa’ li jagħrfu l-importanza ta’ network urban poliċentriku għall-iżvilupp ta’ żoni konnessi ma’ dawn iż-żoni metropolitani, inklużi bliet żgħar u ta’ daqs medju li jkunu jinsabu fil-qrib. L-għan huwa li jitneħħa d-distakk bejn iż-żoni urbani u dawk rurali billi jiġu promossi sħubijiet ta’ benefiċċju għal kulħadd f’oqsma bħall-ambjent u t-tranżizzjoni tal-enerġija, l-iżvilupp ekonomiku, il-kwalità tas-servizzi u l-organizzazzjoni amministrattiva u anke biex jitneħħa d-distakk bejn il-komunitajiet urbani u rurali fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

49.

jilqa’ bi pjaċir ir-riżultati tal-proġett SIMRA (3) (Innovazzjoni Soċjali f’Żoni Rurali Emarġinati), li wera li l-innovazzjoni soċjali tista’ tkun ingredjent essenzjali biex jiġu indirizzati sfidi rurali bħall-migrazzjoni, id-diversifikazzjoni tan-negozji rurali, it-tibdil fil-klima, it-tibdil fl-istil tal-ħajja u r-ristrutturar ta’ ekonomiji rurali;

50.

jilqa’ bi pjaċir is-sejħiet immirati tal-Orizzont 2020 skont l-istadju ta’ żvilupp tal-innovazzjoni soċjali, u jitlob li dan it-titjib jiġi implimentat għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (FSIE) kollha;

Iż-żoni rurali u l-irħula intelliġenti

51.

jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar Azzjoni tal-UE għal Irħula Intelliġenti li hija l-ewwel pass biex tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa ta’ azzjonijiet immirati sabiex jiġi appoġġjat l-irkupru taż-żoni rurali bħala postijiet sostenibbli li fihom wieħed jista’ jgħix u jaħdem, iżda dan mhuwiex biżżejjed;

52.

jieħu nota li l-Opinjoni tal-KtR dwar Irħula Intelliġenti titlob li din l-aġenda tiġi integrata fl-opportunitajiet kollha ta’ politika u finanzjament. Din ma tikkonċernax biss il-provvista tal-broadband iżda anke kif għandhom jinstabu metodi intelliġenti biex jiġu żviluppati l-provvista tal-enerġija, is-servizzi għall-komunitajiet, u rivoluzzjoni ġdida reali fir-rigward ta’ kif il-faċilitajiet jistgħu jiġu integrati fiż-żoni rurali;

53.

jilqa’ bi pjaċir is-sett ta’ għodod tan-Network Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (ENRD) dwar miżuri tal-iżvilupp rurali li l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw biex jappoġġjaw l-irħula intelliġenti, u b’hekk l-innovazzjoni soċjali, inklużi: il-kooperazzjoni (b’mod partikolari l-LEADER), l-iskambju tal-għarfien, in-networks tal-PAK, l-installazzjoni ta’ intraprendituri żgħażagħ u start-ups fl-industrija, investimenti, eċċ. Madankollu, saret enfasi li hemm ukoll il-ħtieġa għal miżuri ta’ appoġġ aktar flessibbli għall-innovazzjoni f’attivitajiet mhux agrikoli li jkunu integrati u jikkontribwixxu għall-attività primarja u li jippermettu li tingħata spinta lill-bijoekonomija u li jsir l-aħjar użu taż-żona lokali; dan jinvolvi, flimkien mal-appoġġ għall-ftuħ ta’ start-ups ġodda, il-possibbiltà li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ negozji li mhumiex agrikoli, li għandu jiġi inkluż fl-Artikolu 69 tar-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK;

54.

jitlob li l-bliet rurali ta’ daqs medju jkollhom aċċess ukoll għall-finanzjament urban; jenfasizza li dawn il-bliet huma essenzjali għaż-żoni rurali u spiss jiġu esklużi mill-programmi minħabba d-daqs tagħhom;

55.

jenfasizza r-rwol pożittiv tal-programm LEADER futur, ta’ żvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) b’diversi fondi, u ta’ inizjattivi oħrajn b’approċċ minn isfel għal fuq;

56.

jenfasizza li ż-żoni rurali jikkonċernaw il-popli u l-komunitajiet tagħhom kif ukoll l-ambjent li jgħixu fih. Il-KtR jemmen li, permezz ta’ politiki ta’ ġestjoni attiva u ta’ konservazzjoni tal-ambjent rurali tal-UE u permezz ta’ ħidma fil-programmi u l-oqsma ta’ politika kollha, jista’ jsir aktar biex jiġi żgurat li ż-żoni rurali jkunu postijiet mill-aqwa biex wieħed jgħix, jipproduċi, jaħdem u jrabbi l-familja.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  ĠU C 225, 27.7.2012, p. 174ĠU C 207, 30.6.2017, p. 57.

(2)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(3)  http://www.simra-h2020.eu/


2.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/22


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Mill-għalqa sal-platt: id-dimensjoni lokali u reġjonali

(2021/C 37/04)

Relatur:

Guido MILANA (IT/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Olevano Romano (Ruma)

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ bi pjaċir l-istrateġija “Mill-għalqa sal-platt” (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Istrateġija”) li, flimkien mal-“Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030” (1) tinsab fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (2) u hija essenzjali biex l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali mil-lat ta’ klima sal-2050; jenfasizza li ż-żewġ strateġiji għandhom jinżammu flimkien bis-sħiħ sabiex jiġi limitat l-impatt tas-sistemi tal-ikel fuq il-klima, l-ambjent sostenibbli u l-bijodiversità billi tiġi promossa s-saħħa tal-ħamrija, jiġu salvagwardjati l-pollinaturi, l-użu ta’ riżorsi bijoloġiċi għall-kontroll integrat, ir-riżorsi tal-ilma u l-ekosistemi, li fl-istess ħin jiggarantixxu s-sikurezza u t-tjubija tal-ikel. Dawn għandhom jgħinu wkoll biex tiġi indirizzata l-problema tad-depopolazzjoni taż-żoni rurali. Iqis li l-awtonomija tal-ikel hija daqstant ieħor strateġika u tinvolvi ż-żamma tal-kapaċità tal-produzzjoni, li teħtieġ appoġġ baġitarju adegwat min-naħa tal-UE;

2.

jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza bejn id-diversi oqsma ta’ politika relatati mal-ikel, bħall-agrikoltura, it-trobbija, il-forestrija, is-sajd u l-affarijiet marittimi, u l-politiki ambjentali, tal-enerġija u tas-saħħa, tal-konsumatur, tal-produzzjoni, tal-impjiegi, tal-iżvilupp rurali u tal-politiki tal-foresta, permezz ta’ approċċ ta’ governanza f’diversi livelli sabiex l-azzjonijiet miftiehma fil-livell Ewropew ikunu jistgħu jgħinu l-implimentazzjoni tal-istrateġija lejn objettivi ta’ riforma ambizzjużi u kondiviżi; Il-kontribut tal-komunitajiet lokali u tal-komunitajiet rurali jeħtieġ li jiġi rikonoxxut aħjar u integrat fil-politiki. Huwa essenzjali li tiġi rkuprata l-identità kulturali tar-reġjuni mal-ekosistemi;

3.

jissottolinja li l-pandemija tal-COVID-19 għamlitna ferm konxji dwar l-interrelazzjonijiet bejn saħħitna, l-ekosistemi, il-ktajjen tal-provvista, ix-xejriet tal-konsum u l-konfini planetarji tagħna. Il-pandemija attwali hija biss eżempju wieħed: iż-żieda fil-frekwenza ta’ nixfa, għargħar, nirien fil-foresti u ta’ organiżmi ta’ ħsara ġodda tfakkarna b’mod kostanti li s-sistema tal-ikel tagħna tinsab taħt theddida u jeħtieġ li ssir aktar sostenibbli u reżiljenti, kapaċi li topera taħt kwalunkwe ċirkostanza u li tipprovdi liċ-ċittadini bi provvista suffiċjenti ta’ ikel tajjeb għas-saħħa, fi kwantità adegwata u bi prezzijiet affordabbli;

4.

jirrimarka li l-agrikoltura sostenibbli ma tistax tiġi żviluppata jekk l-UE tkompli timporta prodotti agrikoli rħas, li ma jirrispettawx l-istandards Ewropej tal-produzzjoni u li jikkompetu b’mod inġust mal-ktajjen ta’ produzzjoni Ewropej waqt li tesporta ż-żejjed bi prezzijiet iktar baxxi mill-ispejjeż ta’ produzzjoni Ewropej; jappella li jiġu introdotti b’mod urġenti regoli multilaterali ġodda li huma aktar ġusti u aktar ibbażati fuq is-solidarjetà sabiex ma tiġix ipperikolata s-sostenibbiltà tal-ażjendi Ewropej; jittama li tali approċċ ġdid ikun immirat lejn it-tisħiħ tal-prospettiva ekonomika tal-produtturi u r-rabtiet bejn il-produtturi u l-konsumaturi, u jappoġġja sistemi tal-ikel diversifikati u alternattivi jew komplementari għas-sistemi ta’ produzzjoni konvenzjonali; jindika distribuzzjoni mill-ġdid aktar ekwa tal-valur, li tħallas aħjar lill-produtturi li jipprovdu prodotti pubbliċi ta’ kwalità u servizzi ta’ ekosistema;

5.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tuża b’mod konsistenti l-indikaturi eżistenti (eż. l-indikaturi tal-SDGs) biex timmonitorja l-progress li sar biex jintlaħaq l-għan li jingħaqdu flimkien il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel, is-servizzi tal-ekosistemi u perspettivi ekonomiċi ġusti għall-bdiewa u l-impjegati f’diversi politiki settorjali filwaqt li l-introduzzjoni ta’ indikaturi ġodda għandha tiġi prevista biss għal dawk l-oqsma li għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed; u jittama li jkun hemm il-parteċipazzjoni attiva tal-atturi kollha fis-sistema tal-ikel fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija;

6.

jittama li r-rwol tar-reġjuni u l-bliet bħala atturi importanti fit-tranżizzjoni tal-ikel jiġi rikonoxxut u appoġġjat; fost funzjonijiet oħra, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jikkostitwixxi ġabra ta’ għarfien ta’ prattiki ta’ bliet u reġjuni Ewropej, u għalhekk jista’ jikkostitwixxi intermedjarju importanti għall-komunikazzjoni u t-tagħlim reċiproku bejn il-livelli tal-gvern; fil-kuntest tal-implimentazzjoni u d-definizzjoni tal-PAK futura, huwa essenzjali li r-reġjuni Ewropej ikunu jistgħu jkomplu jaqdu r-rwol tagħhom bħala awtoritajiet ta’ ġestjoni sabiex jappoġġjaw it-tranżizzjonijiet stabbiliti fl-Istrateġija “Mill-għalqa sal-platt” lokalment kemm jista’ jkun u biex jiġi żgurat li l-pjani strateġiċi futuri jissodisfaw il-ħtiġijiet lokali; F’dan ir-rigward, ikun essenzjali li l-ewwel pilastru jiġi reġjonalizzat fil-pjani strateġiċi, sabiex l-ekoskemi jkunu jistgħu jiġu ġestiti bħala strumenti importanti biex jakkumpanjaw l-implimentazzjoni tal-Istrateġija, b’mod li jikkorrispondi mal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull reġjun;

Appoġġ lill-produtturi u promozzjoni ta’ ktajjen tal-provvista qosra u trasparenti

7.

jirrakkomanda monitoraġġ aktar mill-qrib tax-xejra tal-konċentrazzjoni tal-art favur l-industrija tal-biedja, iż-żieda fil-prezzijiet tal-art, l-abbandun tal-art f’żoni marġinali u t-telf konsegwenti tal-art agrikola minn produtturi medji żgħar u bdiewa ġodda; għalhekk jirrakkomanda bidliet fl-istrumenti eżistenti tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), bħal pereżempju limitu possibbli tal-pagamenti diretti għal kull ażjenda, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-art agrikola minn biedja lokali u żgħira għal ta’ daqs medju u bdiewa agroekoloġiċi ġodda li joperaw għal rashom jew fi sħubija, biex jiġi evitat it-tnaqqis ta’ bdiewa attivi; jirrakkomanda li jinżamm il-bilanċ bejn ekonomija u ambjent fil-PAK; jinkoraġġixxi wkoll l-użu tal-ilma reklamat għat-tisqija f’żoni li għandhom defiċit u li tiġi promossa l-agroforestrija;

8.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tipprevedi t-tisħiħ tal-potenzjal tal-biedja organika u tesprimi r-rieda li, fid-dawl ta’ studju preliminari tal-impatt, talloka għaliha mill-inqas 25 % taż-żona agrikola tal-UE sal-2030, u żieda sinifikanti fl-akkwakultura organika; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta wkoll sistemi oħra ta’ kultivazzjoni u produzzjoni li joffru benefiċċji ambjentali. F’dan ir-rigward, jirrakkomanda li jiġi kkunsidrat u appoġġjat ir-rwol tal-politiki territorjali lokali u reġjonali bħala mezzi biex jiġu ppreservati u miżjuda ż-żoni agrikoli destinati għall-produzzjoni organika, integrata u ta’ preċiżjoni, li b’kawtela tiffranka r-riżorsi ambjentali, permezz ta’ programmi bħal politiki lokali dwar l-ikel (inklużi żoni u reġjuni li jipproduċu ikel organiku u l-ekoreġjuni (3)) u l-proċessi ta’ taħriġ; jispera li fil-kuntest tal-PAK, it-tranżizzjoni tkun koerenti mal-iżviluppi fil-konsum ta’ prodotti organiċi; jitlob ukoll għal miżuri mmirati biex jakkumpanjaw l-istrutturar tas-settur organiku kollu u mhux biss l-iżvilupp tal-produzzjoni, sabiex jinżamm il-valur miżjud marbut ma’ dan il-metodu ta’ produzzjoni u proċessar f’territorji differenti, inkluż billi tiġi mħeġġa l-provvista ta’ networks tal-ilma sabiex il-produtturi organiċi jiġu pprovduti b’ilma li jkun konformi mal-leġiżlazzjoni dwar il-biedja organika;

9.

jitlob għal ċentralità akbar għall-ktajjen tal-provvista qosra u biex tiġi rikonoxxuta d-diversità tas-sistemi ta’ produzzjoni Ewropej, inklużi sistemi ta’ produzzjoni alternattivi, immirati lejn it-tisħiħ tal-forom lokali/reġjonali ta’ produzzjoni, proċessar u kummerċjalizzazzjoni, ibbażati fuq il-kwalità nutrizzjonali, il-benesseri tal-annimali u tal-ambjent; jitlob għall-istabbiliment ta’ qafas Ewropew għall-promozzjoni u t-tisħiħ ta’ ktajjen ta’ provvista qosra, li jibdew minn prattiki lokali innovattivi u ta’ suċċess; jitlob li jiġi ffaċilitat l-appoġġ għal proġetti territorjali kollettivi li jinvolvu proċessuri, awtoritajiet lokali, azjendi agrikoli, l-azjendi tal-forestrija, kummerċjanti u konsumaturi lokali biex jiżviluppaw offerta tal-ikel lokali; jitlob ukoll għal appoġġ għad-diversifikazzjoni tal-produzzjoni u l-ipproċessar lokali-reġjonali, għall-iżvilupp ta’ setturi ġodda (pereżempju proteini veġetali, partikolarment legumi u setturi ta’ kwalità bħall-frott tal-bosk, ġewż, eċċ.) li jipprevedu anke l-valorizzazzjoni tal-ktajjen sekondarji ta’ flussi sekondarji u tal-iskart, sabiex jinħoloq valur miżjud fl-istadji varji tal-katina tal-ikel, waqt li tiġi evalwata l-possibilità li tiġi introdotta ċertifikazzjoni fir-rigward tal-produzzjoni sostenibbli li tinkludi l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-ħamrija. Jinnota f’dan il-kuntest li kunċetti bħal dawk lokali u reġjonali għandhom jitqiesu mill-perspettiva tal-prodott inkwistjoni. Il-punt tat-tluq huwa impronta ekoloġika żgħira tal-prodott, l-evitar tat-trasport bla bżonn u relazzjoni mtejba bejn il-produtturi u l-konsumaturi;

10.

jirrikonoxxi li l-produzzjoni, l-ipproċessar, il-bejgħ bl-imnut, l-ippakkjar u t-trasport ta’ prodotti tal-ikel jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma u għall-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, kif ukoll li għandhom impatt profond fuq il-bijodiversità, u għaldaqstant, jittama li jiġu promossi l-flussi sekondarji lejn mudell ta’ ekonomija ċirkolari. Bħall-Kummissjoni Ewropea, huwa tal-fehma li l-miżuri li ġejjin huma urġenti:

(a)

jitnaqqsu l-użu u r-riskju globali tal-pestiċidi kimiċi b’50 % u l-użu ta’ pestiċidi aktar perikolużi (4) b’50 % sal-2030, filwaqt li jiġi żgurat li l-bdiewa jiġu offruti alternattivi ġenwini, li ma jillimitawx il-produttività tagħhom, kemm dwar l-użu tal-pestiċidi kif ukoll il-metodi ta’ kultivazzjoni, u jiġu allokati aktar riżorsi għar-riċerka f’dan is-settur kif ukoll jiġi aċċellerat l-aċċess għas-suq;

(b)

jitnaqqas it-telf ta’ nutrijenti b’mill-inqas 50 %, mingħajr ma dan iwassal għal deterjorament tal-fertilità tal-ħamrija;

(c)

jitnaqqas l-użu ta’ fertilizzanti b’mill-inqas 20 % sal-2030;

(d)

jitnaqqas b’50 % l-bejgħ ta’ antimikrobiċi użati għall-bhejjem u l-akkwakultura sal-2030;

(e)

jitkompla t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra prodotti mis-settur agrikolu u mill-użu tal-art, b’mod partikolari dawk mill-ossidu nitruż u l-metan, fejn ta’ dan l-aħħar ġej ukoll mis-settur tal-bhejjem, kif ukoll l-użu agrikolu tal-artijiet mistagħdra, filwaqt li jikkontribwixxi b’mod adegwat għall-proċess tal-Liġi dwar il-Klima Ewropea. Għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni tippubblika, malajr kemm jista’ jkun, pjan ta’ miri għall-klima għall-2030, imfassal biex tiġi aġġustata ’l fuq il-mira tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għal mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 (5), waqt li jiġi implimentat pjan konsistenti ma’ impenji finanzjarji adegwati;

(f)

jiżdiedu l-bwar u l-produzzjoni tal-għalf tal-proteini fl-Ewropa, titnaqqas l-importazzjoni tal-għalf u tal-proteini li mhumiex konformi mar-rekwiżiti klimatiċi u ambjentali Ewropej;

11.

jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi, bħala parti mill-ħidma kontinwa tagħha, valutazzjonijiet tal-impatt għat-tfassil tal-miri kwantifikati. Huwa importanti li l-pajjiżi b’konsum għoli ta’ antibijotiċi, prodotti kimiċi għall-protezzjoni tal-pjanti u nutrijenti għall-pjanti jingħataw miri akbar għat-tnaqqis tal-konsum tagħhom minn dawk il-pajjiżi li diġà għandhom konsum baxx;

12.

jissuġġerixxi li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt trasparenti u komunikattivi sabiex jiġu mmonitorjati miri fuq perjodu ta’ żmien medju u jiġu nnegozjati mill-ġdid l-aġġustamenti meħtieġa b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-atturi tal-industrija tal-biedja;

13.

jirrakkomanda li jkun hemm miżuri aktar stretti kontra l-impatt ambjentali ta’ prattiki ta’ biedja industrijali intensiva; jitlob li t-tikkettar iċċertifikat uffiċjalment tat-trattament xieraq tal-annimali previst fl-Istrateġija jsir obbligatorju fil-livell tal-UE; jirrakkomanda li jiġi introdott l-obbligu ta’ tikketta ċara dwar it-tip ta’ biedja, li tispeċifika ċ-ċiklu ta’ ħajja tal-annimal, biex b’hekk il-produtturi jkunu jistgħu jsiru jafu l-prattiki li jintużaw u l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu prodotti konformi max-xewqat tagħhom; jissuġġerixxi t-tnaqqis progressiv u ppjanat tat-trobbija fil-gaġeġ fl-Unjoni Ewropea kollha, inkluż permezz ta’ limiti tad-densità fl-għadd ta’ bhejjem imrobbija f’azjenda agrikola inkwistjoni, u l-appoġġ għall-akkwakultura estensiva; jitlob li limitu massimu tad-densità tal-annimali fl-azjenda jkun kundizzjoni għall-aċċess għall-pagamenti tal-PAK u biex tissaħħaħ il-kundizzjonalità tal-PAK dwar ir-regoli tal-benessri tal-annimali;

14.

jitlob għal skemi ekoloġiċi ġodda biex joffru fluss ta’ finanzjament ġust, obbligatorju, effettiv u dejjem aktar importanti biex jippromovu prattiki ta’ produzzjoni sostenibbli li jtejbu b’mod sinifikanti, fost affarijiet oħra, is-sekwestru tal-karbonju (carbon farming) mill-bdiewa u l-forestieri, kif ukoll il-bijodiversità; ifakkar, madankollu, li l-miżuri agroambjentali klimatiċi tat-tieni pilastru tal-PAK urew li kienu l-aktar miżura effettiva ta’ ekoloġizzazzjoni tal-PAK, li hija marbuta ma’ approċċ minn isfel għal fuq li jintuża fid-definizzjoni ta’ tali miżuri f’każ ta’ ġestjoni reġjonali; għalhekk jappella li tiġi sfruttata l-possibilità li l-fondi tal-ewwel pilastru jiġu allokati mill-ġdid fit-tieni pilastru tal-PAK u li l-awtoritajiet reġjonali jkunu involuti fid-definizzjoni ta’ skemi ekoloġiċi kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, sabiex jiġu żgurati koerenza u komplementarjetà akbar bejn l-iskemi u l-miżuri agroambjentali klimatiċi, kif ukoll konsiderazzjoni akbar tal-ħtiġijiet tar-reġjuni; jirrakkomanda wkoll appoġġ għal prattiki tal-biedja estensiva b’impatt ekoloġiku aktar baxx; hemm bżonn li l-bdiewa jkunu jistgħu jiġu kkumpensati b’riżorsi Ewropej u nazzjonali għall-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-produzzjoni agrikola sabiex ikun hemm bilanċ bejn is-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali;

15.

b’mod parallel mal-bidliet fis-settur agrikolu, iqis li huwa neċessarju li titħaffef it-tranżizzjoni għal produzzjoni sostenibbli tal-ħut; jirrakkomanda miżuri għall-protezzjoni u l-valur tas-sajjieda fuq skala żgħira, bħal dawk li jaħdmu b’mod sostenibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi, u għall-ġlieda kontra t-trobbija intensiva fil-gaġeġ, kontra l-prattiki illegali tas-sajd industrijali u tas-sajd żejjed, inkluża l-introduzzjoni ta’ miżuri aktar adegwati fir-reviżjoni tal-politika komuni tas-sajd (PKS) u l-ftehimiet kummerċjali;

16.

jitlob li jitfasslu proposti biex jiġu ppjanati l-ispazji marittimi u biex jiġi stabbilit network ta’ żoni li fihom kull forma ta’ sajd hija pprojbita għal perjodu ta’ żmien suffiċjenti sabiex jinkisbu b’mod aktar effettiv l-objettivi tal-ibbilanċjar bejn teħid mir-riżorsa tas-sajd u l-kapaċità tal-baħar li jirriproduċiha; jappella sabiex isiru sforzi bil-għan li tiġi żgurata aktar effettività fl-istabbiliment ta’ pjani ta’ ġestjoni tas-sajd fiż-żoni l-aktar sensittivi mil-lat ambjentali;

L-ambjent tal-ikel, il-ġlieda kontra l-obeżità, il-promozzjoni ta’ konsum responsabbli u kritiku

17.

itenni l-importanza tal-għażliet u d-drawwiet tad-dieta tal-konsumaturi bħala vettur fundamentali ta’ bidla fis-sistema tal-ikel; jappoġġja lill-Kummissjoni fl-intenzjoni tagħha li tiffaċilita t-tranżizzjoni għal dieti b’saħħithom u sostenibbli, f’konformità mal-Għan nru 12 tal-Aġenda 2030 dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (6); għalhekk jistieden lill-Kummissjoni timplimenta pakkett ta’ miżuri koerenti u mmirati biex tippromovi d-dieta Mediterranja, li ntwera li hija dieta tajba għas-saħħa, kif ukoll reġimi nutrittivi b’saħħithom, b’komponent veġetali akbar u konsum adegwat u responsabbli ta’ xaħmijiet u zokkor;

18.

jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi skemi aktar adegwati dwar it-tikkettar nutrittiv tal-prodotti, maqbula fil-livell Ewropew u bbażati fuq l-aktar data ta’ riċerka xjentifika aġġornata; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li toħloq bażi tad-data Ewropea dwar il-valuri nutrittivi u li twaqqaf programm Ewropew ta’ tikkettar dwar in-nutrizzjoni. Sabiex jiġi stimulat konsum konxju, l-għan għandu jkun li tiġi pprovduta informazzjoni trasparenti, komprensiva u ċara dwar il-kwalità nutrittiva, filwaqt li jitqiesu l-oriġini tal-prodotti, l-impatt ambjentali tat-trasport u l-metodi ta’ produzzjoni;

19.

jenfasizza wkoll l-importanza li wieħed imur lil hinn mill-miżuri tat-tikkettar tal-informazzjoni, permezz ta’ miżuri edukattivi, ta’ inċentiv u strutturali li jorjentaw lejn konsum kritiku u responsabbli u jrawmu ambjenti tal-ikel b’saħħithom u aċċessibbli għal kulħadd; għalhekk jirrakkomanda kampanji ta’ informazzjoni u programmi edukattivi dwar ikel tajjeb għas-saħħa u dieti rikki fil-komponent veġetali u ta’ fibri; jappoġġja l-adozzjoni ta’ inċentivi fiskali li jħeġġu lill-konsumaturi biex jagħżlu dieti b’saħħithom u sostenibbli; iħeġġeġ ukoll miżuri biex jiskoraġġixxu l-industrija agroalimentari mill-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar ta’ ikel ipproċessat u mhux tajjeb għas-saħħa b’ħafna zokkor, melħ u xaħmijiet saturat;

20.

jappoġġja bil-qawwa miżuri biex jiġi żgurat li l-prezz tal-ikel jirrifletti l-ispejjeż ambjentali u soċjali reali u li l-produtturi primarji jirċievu dħul ġust għal xogħolhom; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiddiskuti mal-Istati Membri miżuri mmirati biex jillimitaw il-kapaċità tal-akkwist tal-proċessuri u tal-bejjiegħa bl-imnut u biex isaħħu l-pożizzjoni tan-negozjar tal-produtturi primarji, minħabba l-ispejjeż ambjentali u tas-saħħa pubblika ppruvati xjentifikament. Il-KtR iqis li huwa aċċettabbli li prezz ġust għall-prodotti jirrikjedi prezz ogħla għall-konsumaturi (7);

21.

jistieden lill-Kummissjoni tagħmel id-dritt għall-ikel wieħed mill-pedamenti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija; għalhekk jissuġġerixxi li taħdem mal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġestjoni ta’ miżuri fuq terminu qasir sa medju (eż. permezz ta’ appoġġ ekonomiku) u fit-tul (politiki soċjali strutturali) immirati biex jippromovu l-aċċess tal-aktar gruppi vulnerabbli għal sistema ta’ ikel aktar sostenibbli u b’saħħitha, li jgħinu fil-ġlieda kontra l-obeżità u l-malnutrizzjoni; jitlob għal pjan ta’ azzjoni Ewropew wara l-2020 kontra l-obeżità u l-malnutrizzjoni tat-tfal; jenfasizza li l-affordabbiltà tal-ikel tajjeb għas-saħħa għandha tiġi appoġġata permezz ta’ politiki u miżuri soċjali diretti, filwaqt li fl-istess ħin, jiġu żgurati prezzijiet ġusti għall-prodotti għall-bdiewa u l-impjegati.

Xiri pubbliku sostenibbli, Green Food Procurement, programmi edukattivi

22.

jitlob li ssir enfasi akbar fuq ir-rwol tal-akkwist pubbliku ekoloġiku u l-green food procurement bħala mezz ta’ appoġġ għal dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli u biex tissaħħaħ u tiġi promossa l-agrikoltura lokali u reġjonali bbażata fuq l-ispeċifiċitajiet reġjonali, filwaqt li jiġu żgurati l-ishma tas-suq għall-produtturi lokali u reġjonali (8);

23.

jitlob li jiġu stabbiliti kriterji aktar flessibbli għall-introduzzjoni ta’ prodotti lokali u reġjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku, b’mod partikolari billi jiġi adottat il-prinċipju ta’ km 0 fil-kantins tal-iskejjel; jitlob ukoll li tiġi adottata sistema konsultattiva effettiva jew gwida Ewropea simplifikata, sabiex tipprovdi lill-korpi pubbliċi b’indikazzjonijiet ċari dwar kif jintroduċu kriterji ta’ sostenibbiltà akbar;

24.

jappoġġja lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jimplimentaw programmi edukattivi dwar l-agrikoltura, l-ikel, l-ambjent u l-klima fl-iskejjel; iqis li huwa essenzjali li jitħeġġeġ konsum kritiku, u li titrawwem edukazzjoni fl-agrikoltura, fil-kultura tal-ikel u fl-għarfien ambjentali fost il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar u l-aktar gruppi vulnerabbli.

Tnaqqis u prevenzjoni tal-ħela tal-ikel u promozzjoni ta’ ekonomija ċirkolari

25.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta leġiżlazzjoni ambizzjuża u miri vinkolanti għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel; jistenna li l-Kummissjoni żżomm b’mod sod il-mira li torbot biex tnaqqas bin-nofs il-ħela tal-ikel sal-2030, li tibbaża fuq ix-xogħol li sar b’kollaborazzjoni mal-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel u jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni u appoġġ akbar lir-reġjuni ultraperiferiċi, biex tingħata spinta liċ-ċirkolarità tal-ekonomiji tagħhom u jittejbu l-ġestjoni, ir-riċiklaġġ, u l-valur tal-iskart u l-prodotti sekondarji tal-agroindustrija u s-settur tas-sajd;

26.

jirrakkomanda li tinżamm ħarsa ġenerali lejn il-katina alimentari, inklużi miżuri biex jillimitaw l-iskart kemm ’il fuq (produzzjoni primarja), fil-proċess ta’ trasformazzjoni, kif ukoll matul it-trasport ta’ oġġetti tal-ikel, il-kummerċjalizzazzjoni, u l-konsum tagħhom, kemm fl-unitajiet domestiċi kif ukoll barra minnhom; jissuġġerixxi li s-supermarkets jingħataw inċentiva għal ħażna aktar effiċjenti tal-prodotti u li għas-supermarkets ikun hemm provvediment ta’ miżuri ta’ tassazzjoni għal użu ineffiċjenti ta’ prodotti żejda; jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva ta’ ċerti Stati Membri għal donazzjonijiet obbligatorji ta’ stokkijiet żejda;

27.

jitlob informazzjoni aktar adegwata dwar l-iskadenza fit-tikketti tal-prodotti alimentari billi jiġu vvalutati kemm id-data tal-“aħjar qabel” kif ukoll id-data ta’ skadenza, bl-istess mod li jitqiesu importanti kampanji ta’ komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi, li għandhom l-għan li jinkoraġġixxu mġiba tajba f’termini ta’ limitazzjoni tal-ħela tal-ikel; approċċ minn isfel għal fuq huwa rrakkomandat ukoll, immirat lejn l-għarfien u t-tisħiħ ta’ innovazzjonijiet u prattiki tajbin li jitfaċċaw f’ħafna realtajiet urbani u reġjonali;

28.

jappoġġja l-provvediment ta’ miżuri li għandhom l-għan li jippromovu t-tixrid ta’ mudelli ta’ produzzjoni u ta’ żvilupp territorjali bbażati fuq “skart żero”, l-użu mill-ġdid u l-ekonomija ċirkolari tul il-katina kollha, inkluż il-qasam tal-plastik; jenfasizza li l-akkwist pubbliku huwa strument b’saħħtu li permezz tiegħu l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jistabbilixxu standards u jixprunaw is-suq lejn prodotti u servizzi aktar sostenibbli u lokali; jissuġġerixxi approċċ minn isfel għal fuq, bi programmi li għandhom l-għan li jappoġġjaw azzjonijiet solidi ta’ ċirkolarità li jinvolvu r-realtajiet urbani, periurbani, rurali u ultraperiferiċi (9).

Il-kummerċ internazzjonali, is-solidarjetà u l-iżvilupp sostenibbli f’pajjiżi terzi

29.

iqis li huwa neċessarju li jiġi adottat approċċ komprensiv fit-tranżizzjoni għal sistemi agroalimentari sostenibbli permezz ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u politiki kummerċjali internazzjonali; fil-fatt jissottolinja li l-UE, l-importatur u l-esportatur ewlieni fid-dinja tal-ikel, żiedet id-dipendenza tagħha minn pajjiżi terzi u, sal-lum, żviluppat politika kummerċjali li tkun f’kontradizzjoni mal-għanijiet soċjali u ambjentali tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex b’mod attiv soluzzjonijiet dwar dan is-suġġett speċjalment fir-rigward tar-regoli tal-kummerċ agrikolu internazzjonali, tal-iżvilupp tal-prezzijiet fis-swieq tal-UE u dawk internazzjonali u bilanċ sostenibbli tad-domanda u l-produzzjoni tal-laħam u l-prodotti tal-ħalib;

30.

jinsisti li l-ftehimiet kummerċjali jiġu evalwati billi titqies il-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta ‘serra u jkunu bbażati fuq il-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli; jitlob għat-tisħiħ tal-kapitoli dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-ġlieda kontra d-deforestazzjoni, il-benessri tal-annimali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem (10);

31.

iqis li l-politika kummerċjali li ma tiżgurax li s-swieq esterni jkunu miżmuma mal-istandards għoljin Ewropej fir-rigward tas-sostenibbiltà u s-sikurezza tal-ikel tista’ xxekkel b’mod sever is-suq intern, u tista’ tipperikola s-settur agrikolu tagħna; iqis il-ftehimiet kummerċjali Ewropej bħala strumentali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs bejn is-suq intern u s-suq estern, tiġi ssalvagwardjata l-kompetittività tal-bdiewa Ewropej u jiġi garantit redditu ġust; jesiġi li r-reċiproċità tar-regoli tal-produzzjoni tiġi negozjata ma’ pajjiżi terzi b’mod strett (billi r-regolamenti dwar il-protezzjoni tal-għelejjel u dawk ambjentali jkunu fuq l-istess livell, u, fejn ikun opportun, jiġu identifikati l-prodotti lokali ta’ eċċellenza); u jissaħħaħ il-kontroll fuq il-prodotti mad-dħul fis-suq komuni Ewropew; jappoġġja taxxa fuq il-karbonju fil-fruntieri, li tipprevjeni lill-kumpaniji tal-UE milli jirrilokaw il-produzzjoni lejn pajjiżi bi standards ambjentali inqas stretti.

Governanza, implimentazzjoni u monitoraġġ

32.

jirrakkomanda li l-PAK, il-PKS, il-programmi operattivi u l-pjani strateġiċi nazzjonali tal-PAK futuri jiġu adattati b’mod konsistenti mal-objettivi deskritti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, speċjalment fl-istrateġija “Mill-għalqa sal-platt” u l-istrateġija “Bijodiversità għall-2030”; f’dan ir-rigward jitlob li jkun hemm miri komuni kwantifikabbli u miżurabbli għall-pjani strateġiċi nazzjonali li għandhom jiġu inklużi fir-regolament tal-PAK; jissuġġerixxi li jkun hemm indikaturi tal-impatt ċari biex jiġu stabbiliti miri u jintraċċaw ir-riżultati; jitlob li r-reġjuni jkollhom rwol prominenti fil-governanza tal-pjani strateġiċi, b’mod partikolari għat-tieni pilastru; u jispera li ma tintilifx loġika territorjali u reġjonali fil-pjani ta’ riforma tal-PAK;

33.

jiddispjaċih li s-sehem tal-QFP 2021-2027 allokat għall-PAK fil-pożizzjoni konkluża mill-Kunsill Ewropew f’Lulju naqas b’6,4 % meta mqabbel mal-perjodu attwali: miri ambizzjużi għall-implimentazzjoni ta’ tranżizzjoni ekoloġika fil-produzzjoni agrikola Ewropea jmorru id f’id ma’ baġit ambizzjuż għall-PAK, u b’mod partikolari għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali; jiddispjaċih, barra minn hekk, li l-isforzi biex il-PAK tinbidel f’politika li tkun aktar orjentata lejn il-ġid komuni, sostenibbli u li tħares aktar ir-riżorsi, sa issa għadhom ma ġewx riflessi b’mod aktar ċar fil-proposti għal regolamenti, u li, minħabba t-tul tal-perjodi ta’ tranżizzjoni, l-approċċi previsti se jipproduċu biss effetti b’dewmien konsiderevoli;

34.

jilqa’ l-intenzjoni li jiġu involuti l-partijiet interessati kollha fis-sistema alimentari, mingħajr ma jitħallew barra s-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-Istrateġija; iqis li huwa meħtieġ li l-Istrateġija ddaħħal fis-seħħ sistemi ta’ governanza orizzontali u f’diversi livelli, li huma kapaċi joħolqu trasversalità bejn id-diversi Direttorati Ġenerali kkonċernati tal-Kummissjoni; jittama li jittieħed eżempju minn mudelli parteċipattivi bħalma huma l-kunsilli tal-ikel, li ġew stabbiliti f’diversi awtoritajiet lokali u reġjonali;

35.

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mhux biss mal-Parlament, iżda anke mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ taż-żewġ Strateġiji.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  COM(2020) 380 final.

(2)  COM(2019) 640 final.

(3)  Eżempju ta’ dan huwa l-BioRegio Bayern 2012, li l-għan tiegħu huwa li jilħaq 30 % tal-uċuħ bijoloġiċi sal-2030 (Sors: The Role of Local and Regional Authorities in making food systems more sustainable, studju kkummissjonat mill-KtR).

(4)  Dawn huma prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi li jissodisfaw il-kriterji ta’ esklużjoni stabbiliti fil-punti 3.6.2 sa 3.6.5 u 3.8.2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1) jew li jitqiesu kandidati għas-sostituzzjoni skont il-kriterji stabbiliti fil-punt 4 ta’ dak l-Anness.

(5)  L-istess talba saret fl-Opinjoni dwar Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima: jiġi stabbilit il-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika (COR-2020/01361 – relatur: Juan Moreno Bonilla (PPE/ES)) (ĠU C 324, 1.10.2020, p. 58).

(6)  Għan 12: Konsum u Produzzjoni Responsabbli.

(7)  Ara pereżempju Willet, W., et al. (2019). Food in the Anthropocene: the EAT–Lancet Commission on healthy diets from sustainable food systems. The Lancet Commissions, 393 (1170), pp. 447-492. Ara wkoll Howard, P. et al. Global Meat: Social and Environmental Consequences of the Expanding Meat Industry. MIT Press, 2019.

(8)  Ifakkar u jtenni, f’dan il-kuntest, il-punt 19 tar-Riżoluzzjoni dwar Ikel Sostenibbli (ĠU C 313, 22.9.2015, p. 5), li “jirrakkomanda li l-partijiet differenti kkonċernati mill-produzzjoni sostenibbli u l-konsum responsabbli […] jiġu infurmati dwar il-possibbiltajiet li jiġu inklużi kriterji marbutin mas-sostenibbiltà fis-sejħiet għall-offerti li jagħmlu […]”, adottata waqt il-113-il sessjoni plenarja ta’ Lulju 2015.

(9)  Eżempju ta’ dan huwa l-każ tal-komun ta’ Maribor fis-Slovenja, fejn hemm sinerġiji bejn il-belt u l-ambjent rurali permezz tal-konverżjoni ta’ skart organiku f’fertilizzanti (Sors: The Role of Local and Regional Authorities in making food systems more sustainabli, studju ikkummissjonat mill-KtR).

(10)  L-istess talba saret fl-Opinjoni It-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE biex jiġu protetti u rrestawrati l-foresti tad-dinja (COR-2019/04601: relatur: Roby Biwer (PSE/LU)) (ĠU C 324, 1.10.2020, p. 48).


2.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/28


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Rieżami tal-governanza ekonomika

(2021/C 37/05)

Relatur:

Elio DI RUPO (BE/PSE), Ministru-President tal-Gvern ta’ Wallonia

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rieżami tal-governanza ekonomika

COM(2020) 55 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-5 ta’ Frar 2000 dwar Rieżami tal-governanza ekonomika u r-rieda li turi fiha għal riforma tar-regoli ekonomiċi u baġitarji;

2.

jappoġġja wkoll il-fatt li, fl-20 ta’ Marzu, il-Kummissjoni Ewropea ressqet il-proposta tagħha biex tuża – għall-ewwel darba fl-istorja taż-żona tal-euro – il-klawżola liberatorja ġenerali prevista fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) attwali, sabiex jissaħħu l-miżuri baġitarji ta’ kontinġenza b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19;

3.

huwa tal-fehma li din il-klawżola liberatorja għandha tkompli tapplika sakemm ma jkunux għadhom magħrufa għalkollox il-konsegwenzi finanzjarji u baġitarji tal-kriżi tal-COVID-19, kemm mil-lat ta’ defiċits kif ukoll ta’ dejn tal-Istati Membri. L-istess loġika għandha tapplika għat-tneħħija gradwali tal-qafas temporanju tal-għajnuna mill-Istat fil-livell tal-UE, li jista’ jiġi kkunsidrat biss ladarba s-sitwazzjoni makroekonomika tkun stabbli u wara li l-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew ikunu ddiskutew il-pożizzjonijiet differenti tagħhom;

4.

jenfasizza wkoll li, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-pandemija tista’ tibqa’ preżenti fis-sentejn li ġejjin u li l-iżvilupp ta’ vaċċini jew mediċini effettivi jidher probabbli biss matul l-2021;

5.

jinnota wkoll li, lil hinn mill-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19, il-kuntest ekonomiku u finanzjarju nbidel b’mod profond mill-aħħar riforma tal-PST fl-2013 ’l hawn: ir-rati tal-imgħax huma f’livell storikament baxx u l-ispiża reali tad-dejn pubbliku hija negattiva f’ħafna pajjiżi, meta wieħed iqis li, bħala medja fiż-żona tal-euro, kienet madwar 3 % fil-bidu tad-deċennju;

6.

huwa tal-fehma, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha twettaq rieżami komprensiv u fil-fond tas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru u tanalizza mill-ġdid l-abbozz ta’ “rieżami tal-governanza ekonomika”;

7.

jenfasizza li l-qafas Ewropew ta’ governanza ekonomika għandu effetti kbar fuq il-livelli kollha tal-gvern, u b’mod aktar speċifiku fuq il-gvernijiet lokali u reġjonali, li huma responsabbli għal kważi terz tal-infiq pubbliku u aktar minn nofs l-investiment pubbliku fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, b’varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri (1);

8.

huwa tal-fehma li l-PST u aspetti oħra tal-qafas ta’ governanza ekonomika Ewropea attwali bħalissa jsofru minn erba’ nuqqasijiet ewlenin: i) effetti proċikliċi: Stat Membru f’reċessjoni jista’ jkun kostrett li jnaqqas in-nefqa tiegħu, bir-riskju li jkompli japprofondixxi r-reċessjoni, minkejja l-flessibbiltà ekonomika stabbilita fil-komunikazzjoni interpretattiva tal-2015 (2) li mhijiex biżżejjed. Din il-proċikliċità kellha impatt partikolari fuq l-investiment pubbliku, li spiss qeda r-rwol ta’ varjabbli ta’ aġġustament fil-politiki ta’ awsterità; ii) kumplessità: l-għanijiet multipli, il-flessibbiltà, l-eċċezzjonijiet, il-klawżoli ta’ ħruġ, u d-differenzi fis-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu indirizzati wasslu għal qafas tekniku u kumpless iżżejjed li, barra minn hekk, huwa bbażat fuq indikaturi li mhumiex osservabbli direttament bħad-defiċit strutturali u d-distakk fl-output; iii) nuqqas ta’ effiċjenza u effettività: mentri d-defiċits eċċessivi kienu kważi sparixxew fl-2018, l-iżvolġiment fir-rigward tad-dejn kien ferm inqas favorevoli, anke qabel l-impatt fuq it-tassazzjoni tal-kriżi tal-COVID-19 fl-2020. L-għadd ta’ Stati Membri li qabżu l-limitu ta’ 60 % żdied minn 9 fl-2008 għal 14 fl-2018 (3). L-applikazzjoni ta’ penali finanzjarji mhijiex kredibbli sakemm tkun kontroproduttiva; iv) nuqqas ta’ trasparenza u leġittimità: il-kumplessità u n-natura teknika tal-qafas tal-governanza ekonomika jagħmluh opak. La l-Parlament Ewropew, la l-gvernijiet lokali u reġjonali, u lanqas is-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati l-oħra mhuma verament involuti. Barra minn hekk, il-qafas attwali ma jistabbilixxix korrelazzjoni bejn ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-livelli ta’ governanza fl-implimentazzjoni tal-PST u jirrikonoxxi biss responsabbiltà kollettiva nazzjonali indipendentement mill-ġestjoni baġitarja effettiva fil-livelli differenti. Dawn in-nuqqasijiet strutturali tal-qafas fis-seħħ relatati mal-effetti negattivi tiegħu u n-nuqqas ta’ effiċjenza għamlu ħsara serja lil-leġittimità tiegħu, b’mod partikolari fl-iżjed Stati Membri milquta mill-kriżi tal-euro u li huma soġġetti għal miżuri ta’ kundizzjonalità, u b’hekk jiġi inkoraġġit rifjut tal-UE u jkun hemm tendenza lejn l-estremitajiet politiċi;

9.

jirrimarka, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni mill-Komunikazzjoni, li r-riformi tas-“six-pack” (pakkett dwar il-governanza ekonomika) u tat-“two-pack” (pakkett dwar is-sorveljanza baġitarja) wasslu għal koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki baġitarji fiż-żona tal-euro. Il-qafas ta’ sorveljanza msaħħaħ serva ta’ bażi għall-Istati Membri biex jikkonsolidaw l-istrutturi baġitarji tagħhom anke jekk l-Unjoni, qabel ma feġġet il-pandemija tal-COVID-19, kompliet issofri minn differenzi territorjali u soċjali qawwijin ħafna;

10.

jilqa’ b’sodisfazzjon is-suċċess tal-bonds soċjali maħruġa mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Ottubru 2020 għall-finanzjament ta’ appoġġ temporanju b’valur ta’ EUR 100 biljun biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’każ ta’ emerġenza (SURE). Din l-iskema se tibqa’ għaddejja sal-31 ta’ Diċembru 2022 fil-forma ta’ self lill-Istati Membri li jkunu jeħtieġu li jimmobilizzaw mezzi finanzjarji sinifikanti biex jindirizzaw il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 f’pajjiżhom. Il-KtR iqis li jekk il-programm SURE jkollu impatt pożittiv dejjiemi, dan jista’ jwitti t-triq għall-istabbiliment ta’ Skema Ewropea ta’ Riassigurazzjoni tal-Qgħad;

Indikaturi

11.

jinsisti li l-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll iċ-ċittadini, għandhom ikunu jistgħu jifhmu b’mod ċar ir-regoli li għandhom jiġu applikati. Għal dan il-għan, ir-regoli applikabbli għandhom ikunu bbażati fuq indikaturi li jkunu direttament verifikabbli u li jinkorporaw stabbilizzazzjoni kontroċiklika li tkun aġġustata ċiklikament;

12.

huwa tal-fehma, barra minn hekk, li l-governanza ekonomika għandha tkun ibbażata fuq bilanċ bejn l-indikaturi relatati mad-dixxiplina baġitarja u l-indikaturi mhux baġitarji. Il-KtR għalhekk huwa tal-fehma li, b’konformità mal-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku, li tinkludi indikaturi aktar diversi, fosthom ir-rati tal-qgħad, governanza ekonomika riformata jeħtieġ li tqis il-ħtieġa għal żieda fl-investiment u fin-nefqa pubblika meħtieġa (4) biex takkumpanja t-tranżizzjoni fis-setturi ewlenin tas-saħħa, l-ikel, it-trasport, it-teknoloġija diġitali u l-enerġija, inkluż it-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bini. Parti minn dan l-infiq se jkollha titħallas mill-baġits nazzjonali biex tissupplimenta l-finanzjament privat u tal-UE. B’żieda ma’ dan, hemm il-pressjonijiet fuq in-nefqa pubblika biex l-ekonomija tiġi adattata għat-tibdil fil-klima li qed jissokta jew biex jiġi kkumpensat l-impatt soċjali taż-żidiet fit-tassazzjoni fuq il-karbonju;

13.

jaqbel mal-kritika dwar l-użu tal-indikatur tal-“PDG potenzjali”, jiġifieri l-potenzjal tal-“produzzjoni” li tista’ tinkiseb meta jsir użu sħiħ tal-istokk tal-kapital produttiv u tal-offerta ta’ xogħol, mingħajr ma tinħoloq pressjoni inflazzjonarja. Dan il-kunċett la jqis l-enerġija bħala fattur ta’ produzzjoni, inkluż ir-riskju ta’ obsolexxenza aċċellerata tal-kapital produttiv minħabba restrizzjonijiet fuq l-użu tal-enerġija tal-karbonju, u lanqas il-limiti fiżiċi għall-iżvilupp tal-attivitajiet tal-bniedem;

14.

jitlob ukoll li jkun hemm bilanċ mill-ġdid favur kontabilità aħjar tad-dħul. It-tnaqqis fin-nefqa tas-setturi soċjali, edukattivi u tas-saħħa, ta’ spiss jitqies bħala l-aktar mod faċli biex jitnaqqas id-dejn fuq perjodu qasir ta’ żmien. Madankollu, politiki fiskali kkoordinati u miżuri kontra l-frodi tat-taxxa jistgħu jtaffu l-pressjoni fuq il-baġits pubbliċi b’mod konsiderevoli. Il-frodi tal-VAT waħdu jirrappreżenta telf ta’ EUR 147 biljun (5) fis-sena, filwaqt li l-ammont tad-defiċits tal-Istati Membri kollha tal-UE kien ta’ EUR 109 biljun fl-2018;

15.

jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri sabiex jitnaqqsu d-diskrepanzi ċikliċi u differenzjali fil-konverġenza; għall-istess raġuni jappoġġja wkoll ix-xewqa tal-Kummissjoni li tibbilanċja mill-ġdid il-bilanċi pożittivi u d-defiċits fost l-Istati Membri. L-Istati Membri b’bilanċi favorevoli fil-kontijiet kurrenti għandhom isegwu politiki fiskali aktar espansjonarji biex jistimolaw id-domanda domestika, filwaqt li l-Istati Membri bi żbilanċi strutturali minħabba livelli baxxi ta’ produttività u kompetittività għandhom jintensifikaw l-investiment bil-għan li jimmodernizzaw l-attivitajiet ta’ produzzjoni tagħhom. L-Istati Membri kollha għandhom iżidu wkoll l-investiment fit-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp, li f’dan l-istadju għadu mhux biżżejjed biex jiżgura l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

16.

jissuġġerixxi għal darb’oħra li l-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku għandha tiġi estiża għall-indikaturi awżiljarji li jittrattaw id-disparitajiet reġjonali. Il-KtR huwa tal-fehma li tista’ tqis aktar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tas-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, li jkopru mhux biss il-protezzjoni ambjentali iżda wkoll il-kriterji soċjali, ekonomiċi u ta’ governanza;

L-investiment pubbliku u r-regola tad-deheb

17.

huwa tal-fehma li l-qafas Ewropew ta’ governanza ekonomika huwa parzjalment responsabbli għat-tnaqqis qawwi fl-investiment pubbliku li seħħ wara l-kriżi taż-żona tal-euro, peress li ma jqisx biżżejjed id-distinzjoni bejn in-nefqa attwali u dik tal-investiment. Bejn l-2009 u l-2018, l-investiment pubbliku kollu fl-UE kollha kemm hi naqas b’20 % bħala sehem tal-PDG. L-investiment mill-awtoritajiet lokali u reġjonali naqas bi kważi 25 % u b’40 % jew aktar f’diversi Stati Membri fost dawk l-aktar milquta mill-kriżi (6);

18.

jenfasizza li l-Bord Fiskali Ewropew stabbilixxa li l-Istati Membri b’livell għoli ta’ investiment pubbliku kellhom it-tendenza li jnaqqsuh b’mod sinifikanti fil-proċeduri ta’ defiċit eċċessiv (EDPs) (7) tagħhom, u li l-Kummissjoni stess osservat li l-qafas baġitarju la waqqaf it-tnaqqis fl-investiment u lanqas ma għamel mod li l-finanzi pubbliċi jkunu aktar favorevoli għat-tkabbir, u li la l-“klawżola dwar l-investiment” tal-PST u lanqas l-Artikolu 126(3) tat-TFUE (li jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tqis ukoll jekk id-defiċit pubbliku jaqbiżx in-nefqa tal-investiment pubbliku meta tivvaluta jekk ikunux intlaħqu l-kundizzjonijiet għat-tnedija ta’ proċedura ta’ defiċit eċċessiv) ma jidhru li kellhom xi impatt sinifikanti (8);

19.

jenfasizza li, fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-2015 dwar is-suġġett (9), il-KtR kien diġà kkunsidra li l-flessibbiltà eżistenti fi ħdan il-PST kienet restrittiva wisq u limitata biex ikollha effetti ta’ benefiċċju reali fuq l-investiment pubbliku;

20.

huwa tal-fehma li investiment pubbliku immirat u ta’ kwalità tajba, ibbażat fuq valutazzjoni tal-impatt territorjali u analiżi ekonomika soda tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tan-nefqa pubblika, għandu jkun kontroċikliku biex ikun ta’ benefiċċju għall-ġenerazzjonijiet futuri. Fil-kuntest attwali ta’ ħtiġijiet straordinarji tan-nefqa pubblika, l-iskoraġġiment tal-finanzjament tad-defiċit tal-investiment pubbliku jista’ joħloq inċentiv għal sottoinvestiment, għad-detriment tal-ġenerazzjonijiet futuri;

21.

itenni li l-KtR talab b’mod konsistenti li n-nefqa pubblika mġarrba mill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali taħt il-kofinanzjament mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment m’għandhiex tiġi inkluża fin-nefqa strutturali pubblika jew ekwivalenti kif definit fil-PST. Fil-fatt, tali nefqa hija, min-natura tagħha, investimenti ta’ interess Ewropew ġenerali, li l-effett ta’ lieva tiegħu, mil-lat ta’ tkabbir sostenibbli, ngħatat prova tiegħu;

22.

iqis li l-istabbiliment fil-qafas tal-governanza ekonomika Ewropea ta’ “regola tad-deheb tal-investiment pubbliku” jista’ jkun għodda utli sabiex jintemmu l-effetti negattivi tar-regoli baġitarji attwali, billi eventwalment teskludi l-investiment pubbliku nett mill-kalkoli tad-defiċit fil-PST, li mhux biss jissalvagwardjah fi żminijiet ta’ kriżi, iżda wkoll jiskoraġġixxi s-sottoinvestiment estrem (investiment pubbliku nett negattiv) li jintlaqtu minnu ċerti Stati Membri billi jiġi penalizzat. Din il-miżura tista’ tiġi applikata bħala prijorità għall-investiment pubbliku fi proġetti mmirati lejn it-tħeġġiġ tat-tranżizzjoni għal soċjetà sostenibbli mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali, kif definita fl-SDGs u l-Patt Ekoloġiku, peress li dan l-investiment huwa rikonoxxut bħala partikolarment importanti mhux biss fil-kuntest tal-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19, iżda wkoll biex jiġu żgurati l-prosperità u l-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri. Il-KtR huwa wkoll favur l-investiment fil-kapital uman u l-ħiliet sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva li tkun lesta għall-era diġitali;

23.

jitlob lill-Kummissjoni, wara li tifformula mill-ġdid il-proposti tagħha sabiex tqis il-ħsara ekonomika u baġitarja kkawżata mill-COVID-19, tressaq White Paper dwar riformulazzjoni tal-governanza ekonomika abbażi tal-istabbiliment potenzjali ta’ tali regola tad-deheb. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għadha tqis ukoll strumenti oħra bħar-regola tal-infiq (10), li abbażi tax-xejra tat-tkabbir ekonomiku u l-livell tad-dejn timponi limitu fuq it-tkabbir annwali tan-nefqa tal-amministrazzjoni pubblika, u tista’ sservi biex tiġi ssalvagwardjata l-fiduċja pubblika billi żżid it-trasparenza, tnaqqas il-piżijiet amministrattivi u tilħaq bilanċ bejn id-dixxiplina baġitarja u l-preservazzjoni ta’ kapaċità suffiċjenti għall-investiment pubbliku;

Semestru Ewropew

24.

ifakkar li l-governanza ekonomika, li tiġi implimentata fil-prattika permezz taċ-ċiklu ta’ koordinazzjoni tas-Semestru Ewropew, issofri minn nuqqas ta’ effiċjenza fl-implimentazzjoni tar-riformi. Jenfasizza wkoll li l-ambitu tar-riformi taħt is-Semestru Ewropew qatt ma ġie definit fit-testi legali Ewropej, b’mod partikolari fid-dawl tar-rilevanza tagħhom u l-valur miżjud tagħhom għal-livell Ewropew. Dan in-nuqqas ta’ definizzjoni jillimita l-interazzjoni possibbli bejn ir-riformi mwettqa fil-livell nazzjonali u l-politiki fil-livell tal-UE (leġiżlazzjoni u programmi finanzjarji) u huwa problematiku fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-KtR jaqbel mal-Kummissjoni li fil-futur, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku għall-Ewropa, l-enfasi għandha tkun fuq id-dimensjoni ambjentali tal-politiki soċjali, ekonomiċi, baġitarji, u tal-impjieg tal-Istati Membri;

25.

itenni li waħda mir-raġunijiet ewlenin għal tali effiċjenza baxxa hija l-involviment insuffiċjenti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala msieħba fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi, għalkemm 36 % tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jiġu indirizzati direttament lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u 83 % minnhom għandhom dimensjoni reġjonali (11);

26.

huwa konvint li l-proposta tiegħu għal kodiċi ta’ kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew (12) għadha x’aktarx tindirizza dan in-nuqqas ta’ effiċjenza billi tqis aħjar ir-realtajiet lokali u reġjonali, u li l-implimentazzjoni tiegħu għadha meħtieġa, speċjalment peress li, mill-2019 ’l hawn, is-Semestru Ewropew ipprovda linji gwida għall-politika ta’ koeżjoni, li l-ġestjoni tagħhom hija kondiviża bejn il-livelli kollha tal-gvern;

27.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi riflessjoni dwar il-kapaċità amministrattiva u d-deċentralizzazzjoni tat-taxxa fl-Istati Membri, bil-għan, dejjem billi jiġu rispettati l-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri u l-prinċipju tas-sussidjarjetà, li jiġi vverifikat li l-kompiti fdati lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu allinjati mar-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji disponibbli għalihom;

Trasparenza u leġittimità demokratika

28.

huwa tal-fehma li l-leġittimità demokratika tas-sistema ta’ governanza ekonomika Ewropea hija dgħajfa wisq, u li dan jipperikola mhux biss din il-governanza ekonomika, iżda wkoll il-proġett Ewropew kollu kemm hu;

29.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inklużjoni tal-protezzjoni tal-klima fis-Semestru Ewropew, u jistenna li dan jipprovdi kemm monitoraġġ ċar kif ukoll valutazzjoni tal-effettività tal-miżuri għall-protezzjoni tal-klima, sabiex il-progress nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-miri tas-Semestru jsir aktar tanġibbli;

30.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-koleġiżlaturi għall-fatt li involviment aħjar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew permezz ta’ kodiċi ta’ kondotta jwassal ukoll għal rappreżentanza aħjar tad-deċiżjonijiet u għal leġittimità aħjar tas-Semestru, u b’hekk għal governanza ekonomika b’mod aktar globali;

31.

jappoġġja riforma tal-Grupp tal-Euro, li l-istatus tiegħu għandu jkun formalizzat u aġġornat bil-għan li jkun hemm presidenza fil-veru sens tal-kelma, responsabbiltà akbar lejn il-Parlament Ewropew u trasparenza akbar fil-proċedimenti tiegħu, li tibda bil-pubblikazzjoni tal-minuti kollha fid-dettall;

32.

jenfasizza li, fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-UE, jemmen bis-sħiħ li l-problema tan-nuqqas ta’ leġittimità demokratika fl-UE, u b’mod aktar speċifiku, il-governanza ekonomika tagħha, tista’ tiġi solvuta biss jekk iċ-ċittadini Ewropej ikunu konvinti li jkun qed jiġi indirizzat it-tħassib ewlieni kollu tagħhom. L-istandards soċjali, l-impjieg, il-protezzjoni ambjentali u aspetti ta’ sostenibilità skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi ma jistgħux jitqiesu bħala sekondarji għall-imperattivi makroekonomiċi u baġitarji. Għalhekk, il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-UE għandha tkun tista’ tiddiskuti l-bidliet fil-governanza ekonomika minquxa fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

33.

jemmen li għandha titkompla l-ħidma biex jissolvew id-diffikultajiet taż-żona tal-euro billi jiġu stabbiliti mill-ġdid finanzi pubbliċi sodi, tinħoloq sistema bankarja robusta, isir progress lejn unjoni fiskali u jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku sostenibbli;

Il-governanza ekonomika u l-kriżi tal-COVID-19

34.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, li qed taffettwa serjament lill-Ewropa, minħabba r-responsabbiltajiet importanti tagħhom mil-lat ta’ saħħa, protezzjoni soċjali u appoġġ ekonomiku. Fl-Italja u fi Spanja, tnejn mill-aktar Stati Membri milquta b’mod gravi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli wkoll għal aktar minn 90 % tan-nefqa fuq is-saħħa (13). Għalkemm ħafna komponenti tal-infiq qed jiżdiedu b’mod sinifikanti, id-dħul tal-gvernijiet lokali u reġjonali qed jonqos u qed ikun affettwat bil-bosta mit-tnaqqis bla preċedent fl-attività ekonomika. Dan għandu impatt kbir fuq il-bilanċ baġitarju tal-bliet u r-reġjuni, u konsegwentement fuq il-bilanċi baġitarji tal-Istati Membri;

35.

jisħaq li, f’ħafna Stati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma soġġetti għal regoli baġitarji nazzjonali stretti li jillimitaw iż-żieda fin-nefqa tagħhom, jobbligawhom jibbilanċjaw il-baġits tagħhom, jew jillimitaw id-defiċits u/jew id-dejn tagħhom għal livelli li spiss ikunu baxxi ħafna meta mqabbla ma’ dawk tal-Istati Membri;

36.

jitlob lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Istati Membri ma jissottovalutawx ir-riskju li jiġu aggravati d-diverġenzi reġjonali li ġġib magħha l-kriżi tal-COVID-19, għal tliet raġunijiet ewlenin: i) l-impatt fuq is-saħħa huwa estremament reġjonalizzat; ċerti reġjuni jew bliet għandhom numru sproporzjonat ta’ każijiet, u l-kapaċità tagħhom li jindirizzawhom tvarja; ii) minbarra l-impatt dirett tal-urġenza għall-iżjed żoni milquta ħażin, miżuri iżjed fit-tul jew stretti ta’ prevenzjoni jaggravaw it-tnaqqis ekonomiku u, għalhekk, id-diffikultajiet finanzjarji tal-SMEs u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom, wieħed mill-pilastri ewlenin ta’ bosta ekonomiji reġjonali, kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; iii) ċerti setturi ekonomiċi (pereżempju, it-turiżmu) intlaqtu b’mod sproporzjonat, u l-impatt fuq il-finanzi infranazzjonali se jiddependi għalhekk mill-ispeċjalizzazzjonijiet settorjali lokali u reġjonali u mill-esponiment għall-ktajjen ta’ valur f’livell dinji;

37.

jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jippreżentaw pjan direzzjonali ċar li jkun imfassal flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex jgħinhom ħalli jerġa’ jkollhom baġits bilanċjati sostenibbli, billi jitqies l-impatt asimmetriku tal-pandemija li għaddejja bħalissa u li rkupru ambjentalment u soċjalment sostenibbli jrid ikun ukoll wieħed ekonomikament sostenibbli;

38.

huwa tal-fehma li s-sitwazzjoni attwali tenfasizza l-ispiża reali tal-politiki ta’ awsterità fid-dawl tal-kriżi taż-żona tal-euro, speċjalment mil-lat ta’ sottoinvestiment fis-servizzi pubbliċi ewlenin. L-awsterità ma tistax tkun it-tweġiba għal din il-kriżi l-ġdida għal darb’oħra. L-istrateġiji ta’ rkupru għandhom jinkludu pjani ambizzjużi ta’ investiment pubbliku għall-attivazzjoni ta’ rkupru ambjentalment u soċjoekonomikament sostenibbli fir-reġjuni u l-bliet tal-UE;

39.

jinsab konvint li, wara l-kriżi tal-COVID-19, aktar minn qatt qabel, il-qafas baġitarju Ewropew għandu jiġi kkunsidrat mill-ġdid biex jiġi evitat li l-investiment pubbliku u s-servizzi pubbliċi jerġgħu jsiru l-varjabbli ta’ aġġustament fi programmi futuri ta’ konsolidazzjoni baġitarja.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Ċifri tal-2018, Eurostat, kodiċi tad-data: TEC00023 u TEC00022

(2)  Kummissjoni Ewropea (2015) – Komunikazzjoni: L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir; ref: COM(2015) 12 final

(3)  Eurostat, kodiċi tad-data: TEINA225

(4)  Jinħtieġu EUR 260 biljun fis-sena (madwar 1,7 % tal-PDG tal-UE) skont l-istimi tal-Kummissjoni Ewropea.

(5)  COM(2019) 8 final dwar “Lejn teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE”, p. 4.

(6)  Eurostat, kodiċi tad-data: TEC00022

(7)  Bord Fiskali Ewropew (2019) – Assessment of EU fiscal rules with a focus on the six and two-pack legislation (Valutazzjoni tar-regoli tat-taxxa tal-UE b’enfasi fuq il-leġiżlazzjoni tas-“six pack” u tat-“two pack”), p. 76 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  COM(2020) 55 final, p. 10.

(9)  Opinjoni tal-KtR: L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir – relatur: Olga Zrihen (BE/PSE), adottata fid-9 ta’ Lulju 2015 (ĠU C 313, 22.9.2015, p. 22).

(10)  Benefits and drawbacks of an “expenditure rule”, as well as of a “golden rule”, in the EU fiscal framework. [Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ regola tal-infiq kif ukoll ta’ regola tad-deheb fil-qafas fiskali tal-UE.] Studju tal-Parlament Ewropew, https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2020/645732/IPOL_STU (2020) 645732_EN.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  KtR: Territorial analysis of the Country-specific Recommendations (Analiżi territorjali tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż), 2018 (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Opinjoni tal-KtR: It-titjib tal-governanza tas-Semestru Ewropew: Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali – relatur: Rob Jonkman (NL/KRE), adottata fil-11 ta’ Mejju 2017 (ĠU C 306, 15.9.2017, p. 24).

(13)  OECD (2020) – Covid-19 and Inter-governmental Fiscal Relations: Early responses and main lessons from the financial crisis (COVID-19 u r-relazzjonijiet fiskali intergovernattivi: reazzjonijiet bikrija u t-tagħlimiet prinċipali mill-kriżi finanzjarja), ref: COM-CTPA-ECO-GOV-CFE(2020)2.


2.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/33


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Opportunitajiet u sinerġiji ta’ adattament prekawzjonarju għat-tibdil fil-klima biex jiġu promossi s-sostenibbiltà u l-kwalità tal-ħajja fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet: liema kundizzjonijiet ta’ qafas huma meħtieġa għal dan il-għan?

(2021/C 37/06)

Relatur:

Markku MARKKULA (FI/PPE), President tal-Bord tal-Belt ta’ Espoo

Dokument ta’ referenza:

Konsultazzjoni mitluba mill-Presidenza, Artikolu 41(b)(i)

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Emerġenza globali biex titħaffef l-azzjoni

1.

jenfasizza li t-tmexxija politika għandha tittratta t-tibdil fil-klima bħala emerġenza u theddida globali li teħtieġ tiġi indirizzata b’mod kollettiv b’attivitajiet u standards konġunti billi jitneħħew il-kompartimentazzjonijiet u l-ostakli. L-UE għandha tadotta rwol ta’ tmexxija attiva fil-bidla lejn ekonomija newtrali għall-klima u soċjetà aktar reżiljenti, sabiex tissalvagwardja kundizzjonijiet ta’ għajxien favorevoli, u tiżgura li proċeduri ċari, kredibbli u ekwivalenti għan-negozji Ewropej u għall-istituzzjonijiet pubbliċi u privati jiġu applikati globalment;

2.

jenfasizza l-importanza li l-bliet u r-reġjuni jaqdu rwol attiv, billi jingħaqdu mal-industrija lokali u internazzjonali fl-isforzi biex jadattaw għat-tibdil fil-klima u jimmitigawh billi jadottaw miri dejjem aktar ambizzjużi u realistiċi, u jenfasizza li huwa essenzjali li titħaffef l-azzjoni fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, jiżdied il-finanzjament għall-adattament, jiġu żviluppati b’mod konġunt metodi u strumenti ta’ adattament adatti, jiżdiedu l-kooperazzjoni transfruntiera u l-iskambji ta’ esperjenza u tal-aħjar prattiki, u jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ reżiljenza u adattament, is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-opportunitajiet għall-innovazzjoni;

3.

jirrikonoxxi li madwar 800 gvern reġjonali fi 17-il Stat Membru ddikjaraw emerġenza klimatika, dan jirrappreżenta madwar 40 % taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fiż-żoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u minbarra dan il-mexxejja politiċi tagħhom enfasizzaw, irrikonoxxew u ddikjaraw uffiċjalment is-sitwazzjoni gravi ta’ emerġenza klimatika globali; jenfasizza li dan huwa appoġġ qawwi favur tmexxija attiva biex tintlaħaq Ewropa newtrali għall-klima permezz ta’ enfasi fuq perspettiva minn isfel għal fuq (1);

4.

jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 kompliet iżżid l-urġenza ta’ azzjoni bikrija u kkoordinata – l-esperjenza attwali tal-pandemija enfasizzat il-ħtieġa li tittejjeb ir-reżiljenza tas-sistemi soċjali u ekonomiċi biex jiffaċċjaw tfixkil fuq skala kbira, peress li kriżijiet mhux previsti joħolqu riskji komposti, speċjalment f’ekonomiji ffokati wisq;

5.

jenfasizza li l-politiki tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu jeħtieġ li jiġu integrati aħjar kemm mas-setturi pubbliċi kif ukoll ma’ dawk privati, kif ukoll mal-attivitajiet taċ-ċittadini fi ħdan is-setturi tal-politika tal-UE dwar il-klima: is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS), id-deċiżjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi, u l-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF). Biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, l-UE trid tħaffef id-dekarbonizzazzjoni tal-attivitajiet fis-setturi kollha. Il-bliet u r-reġjuni, fi sħubija mal-industrija, għandhom responsabbiltà primarja fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi, speċjalment it-tisħin, it-tkessiħ, l-użu tal-art u t-trasport;

Il-konnessjonijiet tal-gvernijiet sottonazzjonali mal-SDGs tan-NU u l-UNFCCC

6.

iqis li l-gvernijiet sottonazzjonali jeħtieġ li jaqdu rwol kruċjali fit-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika globali, u li l-politiki ta’ adattament għandhom jaqdu rwol fundamentali fil-lokalizzazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU; l-UE trid toħloq inċentivi għall-muniċipalitajiet biex jiksbu l-SDGs;

7.

jistieden lill-UNFCCC biex tirrikonoxxi b’mod uffiċjali r-rwol tal-livell sottonazzjonali u biex tippromovi b’mod attiv l-involviment tal-gvernijiet sottonazzjonali fil-politiki ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni u tipproponi li l-Partijiet jadottaw miri ambizzjużi; jindika l-kontributi lokali ppreżentati bħala Reviżjonijiet Lokali Volontarji, li jenfasizzaw li l-bliet huma l-livell fejn isseħħ l-azzjoni influwenti u fejn jiġu eżaminati bl-aħjar mod is-sinerġiji u l-interkonnessjonijiet bejn l-SDGs differenti;

8.

iqis is-COP-26 tal-UNFCCC bħala pass kruċjali biex l-UE tiġi kkonsolidata fuq quddiem nett tal-azzjoni klimatika globali, u jenfasizza li l-attivitajiet u l-impenji tar-reġjuni u l-bliet li għaddejjin bħalissa għandu jkollhom rwol b’saħħtu u viżibbli fis-COP-26; lest li jappoġġja lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkooperaw mal-UNFCCC biex isaħħu l-viżibbiltà u r-rikonoxximent tal-gvernijiet sottonazzjonali fid-diplomazija u l-attivitajiet klimatiċi globali, jenfasizza f’dan is-sens kollaborazzjoni ma’ komunitajiet internazzjonali u organizzazzjonijiet tan-network, bħall-ICLEI, Under2Coalition, Regions4, l-Alleanza Klimatika u l-UCLG Bliet u Gvernijiet Lokali Magħqudin;

Lejn Strateġija ta’ Adattament tal-UE aktar influwenti bbażata fuq għarfien ġdid, fuq it-tagħlim u fuq l-innovazzjonijiet

9.

jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni għal strateġija ġdida u aktar ambizzjuża tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, li tqiegħed l-adattament f’pożizzjoni aktar prominenti fl-ambizzjonijiet klimatiċi tal-UE għall-2030 u l-2050 billi jittejjeb l-għarfien, jissaħħaħ l-ippjanar u titħaffef l-azzjoni, u tkun rikonoxxuta l-ħtieġa għal politiki ta’ adattament fil-livell reġjonali u lokali; f’dan ir-rigward jenfasizza l-ħtieġa li l-kwistjonijiet relatati mal-adattament għat-tibdil fil-klima jiġu integrati b’mod effettiv fl-oqsma ta’ politika kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa Strateġija ta’ Adattament tal-UE ġdida b’għanijiet u indikaturi ċari f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà attiva u tal-proporzjonalità;

10.

jara li għall-appoġġ tal-gvernijiet sottonazzjonali fil-miżuri globali tagħhom tal-SDGs, l-UE stess trid tmexxi bl-eżempju; dan jinkludi l-kooperazzjoni ma’ msieħba potenzjali barra mill-UE abbażi tal-valuri tal-UE;

11.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ sistema mifruxa mal-Unjoni Ewropea kollha dwar l-adattament u struttura ta’ governanza f’diversi livelli li tiffunzjona tajjeb b’responsabbiltajiet ċari biex tkun tista’ tittieħed azzjoni. Huwa importanti li jinħolqu mekkaniżmi reġjonali u lokali effettivi ta’ adattament u mitigazzjoni bl-użu ta’ networks konġunti bejn is-setturi pubbliċi, privati u terzi u li jittejbu l-għarfien, il-kapaċitajiet u r-riżorsi finanzjarji;

12.

jenfasizza l-importanza ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura fl-adattament għall-klima, peress li l-implimentazzjoni tagħhom toffri opportunitajiet biex jiġu indirizzati kriżijiet interkonnessi fl-oqsma tal-klima, in-natura u s-saħħa, li jwasslu benefiċċji kemm fl-isfera soċjali kif ukoll dik ekoloġika filwaqt li jippromovu s-sostenibbiltà u r-reżiljenza. Soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura jistgħu jkunu wkoll mezz importanti biex jintlaħqu l-SDGs u l-ambizzjonijiet tal-UNFCCC, b’mod partikolari fir-rigward tal-isfruttar ta’ sinerġiji bejn SDGs differenti u l-azzjoni klimatika;

13.

jenfasizza li l-adattament għat-tibdil fil-klima se jirrikjedi trasformazzjoni sinifikanti, u jeħtieġ li jiġi inkorporat bħala prijorità trasversali fl-ippjanar u l-ġestjoni territorjali; il-politiki ta’ adattament għandhom konsegwenzi sinifikanti għas-saħħa u l-ġustizzja soċjali;

14.

jinnota li t-tħejjija lokali relatata mal-adattament għat-tibdil fil-klima tvarja globalment kif ukoll fl-Ewropa. Ir-riskji klimatiċi bħalissa mhumiex inklużi b’mod estensiv fil-ġestjoni tar-riskju ġenerali u l-ippjanar ta’ tħejjija tal-muniċipalitajiet;

15.

jenfasizza li biex tkun suċċess, kull azzjoni klimatika, inkluż l-adattament, jeħtieġ li tkun ibbażata fuq l-aħjar għarfien u innovazzjoni disponibbli u tkun dipendenti għalkollox mill-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-aktar livell fdat ta’ gvern, peress li jafu l-aħjar x’inhu meħtieġ u kif għandhom jindirizzaw b’mod effiċjenti il-mistoqsijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej;

16.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta’:

a.

is-sostenibbiltà bħala “in-normalità l-ġdida” għall-komunitajiet, in-negozji u l-individwi kollha;

b.

is-sostenibbiltà, in-newtralità karbonika, l-ekonomija ċirkolari u r-reżiljenza bħala prinċipju ta’ gwida fit-teħid tad-deċiżjonijiet kollha – pubbliċi u privati, inklużi l-proċessi tal-ibbaġitjar;

c.

ippjanar u azzjonijiet iffukati fuq is-sostenibbiltà bbażati fuq il-kollaborazzjoni, l-għarfien u l-prattiki tajbin;

d.

ir-riċerka dwar is-sostenibbiltà u attivitajiet konġunti – multidixxiplinari u interdixxiplinari – biex jiżdied l-għarfien espert;

e.

il-konnettività diġitali għaċ-ċittadini kollha b’ħiliet adegwati bħala element trasversali li jiżgura t-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali;

f.

modi biex dawn l-elementi kollha jiġu inkorporati fis-soluzzjonijiet ta’ tagħlim kollha fl-Unjoni Ewropea; kif ukoll

g.

il-finanzjament għall-bliet u r-reġjuni fit-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol;

17.

jirrakkomanda t-tnaqqis tal-marka tal-karbonju billi jiġu minimizzati l-impatti negattivi tal-prodotti, is-servizzi u l-organizzazzjonijiet; jappella wkoll biex issir aktar enfasi fuq il-handprint tal-karbonju, billi jintwera l-impatt futur pożittiv li l-prodotti, is-servizzi jew l-organizzazzjonijiet jistgħu joħolqu f’termini ta’ sostenibbiltà;

18.

jappoġġja l-iżvilupp ta’ pjattaformi xjentifiċi lokali dwar it-tibdil fil-klima (li diġà jeżistu f’diversi reġjuni u li għandhom rwol ta’ “IPCC lokali”) sabiex tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni bejn ix-xjentisti u jiġi appoġġjat it-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-uffiċjali eletti fil-livell lokali;

19.

jenfasizza li l-bini ta’ reżiljenza personali, komunitarja u reġjonali huwa fattur kruċjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima; jenfasizza l-importanza tas-sensibilizzazzjoni, it-tagħlim, l-iżvilupp tal-kapaċità, u kunċetti biex tiżdied il-kultura ta’ kollaborazzjoni transreġjonali u transnazzjonali biex tkun tista’ tittieħed azzjoni fuq livell globali;

20.

jistieden lill-Kummissjoni toħloq u żżid l-użu ta’ strumenti ta’ kollaborazzjoni fl-Ewropa kollha biex b’mod konġunt toħloq soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi klimatiċi, u jappella li jkun hemm timijiet ta’ kkowċjar virtwali diġitali u mentoring bejn il-pari biex jiġi appoġġjat żvilupp sostenibbli reġjonali u lokali ġdid u innovattiv; ir-reġjuni u l-bliet huma lesti li jservu bħala postijiet ta’ ttestjar biex jiżviluppaw soluzzjonijiet ġodda li jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet differenti tat-territorji tal-UE;

21.

jenfasizza l-utilità tan-network ta’ Laboratorji Ħajjin biex jitnaqqas id-“distakk fl-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu” u biex tissaħħaħ l-innovazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli;

22.

jenfasizza r-rwol tal-agrikoltura u l-forestrija (il-PAK) fil-politika globali dwar il-klima, peress li dawn jaqdu rwol importanti fiż-żieda tar-reżiljenza u s-sostenibbiltà u fil-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi fiż-żoni rurali, f’dan is-sens, l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, speċjalment l-istrateġija għall-bijodiversità u l-istrateġija mill-għalqa sal-platt, għandhom ikunu inkorporati fil-PAK, u b’hekk tintemm ir-rabta bejn is-sussidji u d-daqs tal-art agrikola, minflok dawn għandhom ikunu marbuta mal-konformità ma’ standards għolja u vinkolanti fir-rigward tal-protezzjoni tal-klima, il-bijodiversità, l-użu tal-pestiċidi u t-trattament xieraq tal-annimali, il-ktajjen tal-provvista mqassra u l-promozzjoni tal-produzzjoni lokali;

23.

jenfasizza s-sinerġiji pożittivi bejn il-politiki ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità u l-politiki ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u ta’ adattament għalih, pilastri fundamentali li fuqhom hija bbażata l-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima;

24.

jenfasizza l-importanza li jintużaw sistemi ta’ informazzjoni preventiva bħal Galileo u Copernicus fil-valutazzjonijiet tal-perikli u r-riskji bbażati fil-komunità. Dan jirrikjedi soluzzjonijiet ta’ estrazzjoni u pproċessar ta’ data aktar sistematiċi u komprensivi bbażati fil-livell lokali u reġjonali, bħall-użu ta’ satelliti u sensuri b’għodod appoġġjati mill-GIS biex jiġu mmappjati l-vulnerabbiltajiet assoċjati ma’ riskji differenti b’rabta mal-klima; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw u jisfruttaw id-data u s-servizzi disponibbli, speċjalment dawk offruti mis-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus (C3S);

25.

jenfasizza l-ħtieġa li jsir aktar investiment fir-rilevanza tat-teknoloġija spazjali peress li hija komponent kruċjali tal-iżvilupp sostenibbli u reżiljenti, fl-għoti ta’ informazzjoni rilevanti dwar ir-riskji klimatiċi u l-miżuri ta’ adattament relatati: f’dan il-qasam, jinsab lest li jikkoopera mal-Kummissjoni, il-JRC u l-EEA biex jesploraw azzjonijiet immirati biex iqarrbu dawn it-teknoloġiji lejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

26.

jirrimarka li l-adattament għandu jiġi rikonoxxut bħala pilastru importanti tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir; jilqa’ b’sodisfazzjoni il-Liġi Ewropea dwar il-Klima proposta bħala mod kif jiġi pprovdut qafas ġenerali kemm għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll għall-adattament għalih;

Il-bliet u r-reġjuni għandhom jaqdu rwol aktar b’saħħtu fil-politiki ta’ adattament

27.

jenfasizza li l-bliet u r-reġjuni huma innovaturi u pijunieri fir-rigward tal-azzjoni klimatika u l-adattament għat-tibdil fil-klima, u ta’ spiss jipparteċipaw fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni, bħal dawk fi ħdan il-programm Orizzont 2020 u l-programm qafas Orizzont Ewropa, li jippermettulhom ikunu ambaxxaturi dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima madwar l-Ewropa u jippromovu l-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-livelli sottonazzjonali dwar l-indirizzar tal-isfidi klimatiċi;

28.

jinnota li l-gvernijiet lokali huma responsabbli għal aktar minn 70 % tat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima u sa 90 % tal-azzjoni għall-adattament għalih, u li l-ebda politika ta’ adattament mhi se tirnexxi sakemm ma tqisx il-ħtiġijiet, il-fehmiet u l-għarfien espert tar-reġjuni u l-bliet lokali; jirrimarka li, fl-UE kollha, huwa stmat li madwar 40 % tal-bliet li għandhom ’il fuq minn 150 000 abitant adottaw pjani ta’ adattament (2);

29.

l-applikazzjonijiet diġitali jista’ jkollhom rwol ewlieni biex jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u għanijiet klimatiċi, jew biex jadattaw għat-tibdil fil-klima. Għaldaqstant, is-soluzzjonijiet diġitali sostenibbli għandhom dejjem jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; għandhom jiġu skambjati eżempji tal-aħjar prattiki, kif ukoll modi kif tiġi kkontrollata l-effettività reali tas-soluzzjonijiet diġitali;

30.

jirrimarka li, minħabba t-tibdil fil-klima, l-aktar impatti viżibbli fl-Ewropa u b’mod globali huma kkawżati minn fenomeni estremi tat-temp bħall-mewġiet ta’ sħana, l-għargħar, l-iskarsezza tal-ilma, in-nirien fil-foresti u l-mard, li jinvolvu għadd sinifikanti ta’ mwiet, danni finanzjarji kif ukoll id-deterjorament tal-kwalità tal-ħajja; jinnota wkoll li d-depopolazzjoni rurali, it-telf tal-aċċess għall-ħamrija għammiela u t-telf tal-bijodiversità qed joħolqu diffikultajiet soċjali u ekonomiċi li qed isiru problema globali li qed tikber u li se jkollhom konsegwenzi enormi fl-Ewropa (3);

31.

jenfasizza l-importanza kruċjali taż-żewġ missjonijiet iffukati fuq il-klima: “Ewropa reżiljenti għall-klima” u “100 belt newtrali għall-klima sal-2030”; jinsab ħerqan li jikkoopera mal-Kummissjoni biex jitħeġġu l-applikazzjonijiet u n-nominazzjonijiet minn komunitajiet, bliet u reġjuni li jirrappreżentaw id-diversità ġeografika, soċjali u ekonomika sħiħa tat-territorji Ewropej; jinsab lest li jiżviluppa, flimkien mal-missjonijiet, il-Patt tas-Sindki u oħrajn, qafas ta’ implimentazzjoni sabiex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika;

32.

jirrakkomanda li l-EEA, flimkien ma’ diversi organizzazzjonijiet esperti bħaċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, is-Sħubija dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima tal-Aġenda Urbana (4) u l-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija (5), jipprovdu aġġornamenti regolari dwar l-għarfien xjentifiku u juru proġetti speċifiċi relatati mat-tibdil fil-klima, l-impatti u l-vulnerabbiltà fir-reġjuni bijoġeografiċi ewlenin fl-Ewropa;

33.

jenfasizza li l-impatt tat-tibdil fil-klima mhuwiex uniformi u li l-fatturi territorjali għandhom rwol kruċjali fl-għażla t-tajba tal-politika; l-azzjonijiet ta’ adattament ġusti jiddependu minn vulnerabbiltajiet speċifiċi, pereżempju fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, il-gżejjer, iż-żoni muntanjużi, iż-żoni kostali u l-Artiku;

34.

jitlob li jittieħdu miżuri urġenti fl-Artiku fejn it-temperaturi tax-xitwa diġà huma 2,5 oC ogħla mit-temperaturi preindustrijali, li jfisser li s-silġ tal-baħar u l-borra jinħallu b’rata mingħajr preċedent kif intwera dan l-aħħar, pereżempju mill-Espedizzjoni MOSAiC. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-Artiku minħabba s-sensittività akbar tar-reġjun – magħrufa bħala “amplifikazzjoni polari”;

35.

jirrimarka r-rikkezza eċċezzjonali tan-natura Mediterranja u l-vulnerabbiltà partikolari tagħha għad-diżastri naturali, it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp soċjoekonomiku. Huma meħtieġa azzjonijiet speċifiċi sabiex tiżdied is-sostenibbiltà tar-riżorsi naturali, speċjalment il-protezzjoni tal-bijodiversità;

36.

jenfasizza li t-tibdil fil-klima huwa marbut b’mod qawwi mal-bidliet soċjoekonomiċi bħall-urbanizzazzjoni; jenfasizza li ż-żoni urbani tal-Ewropa, fejn jgħixu tliet kwarti tal-popolazzjoni, jiffaċċjaw sfidi klimatiċi li jeħtieġu soluzzjonijiet imfassla apposta u appoġġ mill-UE u l-Istati Membri (6); jenfasizza l-importanza ta’ żoni rurali u periurbani fejn xi drabi jkun saħansitra aktar diffiċli li jitnaqqsu l-emissjonijiet, għalhekk jitlob soluzzjonijiet xierqa hemmhekk ukoll;

37.

jenfasizza li d-djalogu f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija għandu l-potenzjal li jsir strument b’saħħtu biex jiżgura l-integrazzjoni vertikali effettiva u l-integrazzjoni tal-politiki ta’ adattament; dan għandu jitwessa’ biex ikopri l-Patt Ekoloġiku fl-intier tiegħu;

38.

jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija u inizjattivi simili biex il-politiki ta’ adattament jitqarrbu lejn il-bliet u r-reġjuni, u dak tal-Firmatarji tal-Patt fl-implimentazzjoni tal-Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli u l-Klima;

39.

jindika l-importanza li jissaħħu l-użu, l-estensjoni u l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali innovattivi li huma ta’ benefiċċju għall-kapaċitajiet ta’ integrazzjoni u l-koeżjoni, lejn strateġija ta’ territorju intelliġenti. It-teknoloġija 5G, l-Internet tal-Oġġetti u l-Analiżi tad-Data, bħala eżempji ta’ dawn it-teknoloġiji, għandhom jitqiesu bħala faċilitaturi għat-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika tar-reġjuni u l-bliet, u b’mod partikolari bħala lieva ta’ tfixkil fil-provvista tas-servizzi pubbliċi diġitali, l-effiċjenza enerġetika, il-promozzjoni tal-kultura u t-turiżmu u l-koeżjoni soċjali u territorjali;

40.

jenfasizza r-rwol tas-sistemi tal-enerġija fl-adattament u r-rabtiet bejniethom kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija (7), u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex teżamina aktar dawn ir-rabtiet fis-segwitu għal din il-Komunikazzjoni;

41.

jenfasizza l-importanza li jiżdiedu s-sħubijiet Ewropej bejn ir-reġjuni u l-bliet bl-użu tal-kunċetti ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti; jirrakkomanda li jiżdied ir-rwol tal-bliet u r-reġjuni fil-pjattaforma “Climate Adapt” (8) u jinsab ħerqan li japprofondixxi l-kooperazzjoni b’mod speċjali mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-KKI “Climate” tal-EIT u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka;

42.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jittejbu l-kapaċitajiet ta’ implimentazzjoni tar-reġjuni u l-bliet u l-importanza li jkun hemm biżżejjed persunal, inkluż persunal kwalifikat. B’mod partikolari fil-livell muniċipali, għandha tiġi pprovduta l-forza tax-xogħol meħtieġa għall-koordinazzjoni ta’ bosta setturi ta’ xogħol u oqsma ta’ responsabbiltà assoċjati mal-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u mal-għanijiet tal-azzjoni dwar il-klima;

Finanzjament u regoli globali

43.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lis-sistema tal-ipprezzar tas-CO2. It-trasformazzjoni tal-klima teħtieġ investiment ġdid – speċjalment fis-settur privat – għal skopijiet ta’ adattament u mitigazzjoni. Sabiex jiġi attirat l-investiment meħtieġ, il-prezz tas-CO2 għandu jiġi stabbilit f’livell prevedibbli u adatt. Sistema bħal din għandha tinkoraġġixxi l-kumpaniji tal-enerġija u oħrajn biex jaqdu rwol b’saħħtu fil-kisba tal-miri tal-klima u fil-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju;

44.

jenfasizza li se tkun meħtieġa sistema ta’ pprezzar aktar effiċjenti għas-CO2 inkluż mekkaniżmu ta’ aġġustament fil-fruntiera sabiex is-CO2 isir parti trasparenti tas-sistema ekonomika u biex tiġi promossa t-tranżizzjoni lejn in-newtralità karbonika; din tkun toħloq kundizzjonijiet ekwi ġodda għal azzjoni sostenibbli u hija għodda kruċjali biex is-sistema tas-CO2 tkun trasparenti fil-livelli u s-setturi kollha;

45.

jappoġġja s-sejħa tal-PE biex jiġi stabbilit baġit nett għall-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE27 ibbażat fuq l-aħħar kalkoli xjentifiċi użati mill-IPCC, li jirrappreżenta s-sehem ġust tal-Unjoni tal-emissjonijiet globali li jifdal f’konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi u li jiggwida l-istabbiliment tat-trajettorja tal-Unjoni lejn emissjonijiet netti żero ta’ gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050;

46.

jappella lill-UE biex tassumi rwol b’saħħtu ta’ tmexxija fil-livell dinji biex tiżviluppa s-sistemi meħtieġa għall-ibbaġitjar u l-ipprezzar tas-CO2 sal-2030 u biex tinnegozja elementi simili mal-imsieħba kummerċjali globali tagħha;

47.

jissuġġerixxi l-promozzjoni ta’ investiment fl-infrastruttura b’rabta mal-adattament fit-tul iffinanzjat mill-UE; jenfasizza l-importanza li jkun hemm opportunitajiet adegwati ta’ finanzjament għall-adattament għat-tibdil fil-klima għal-livelli kollha tal-gvern, kif ukoll li jiġu eżaminati għażliet ġodda potenzjali għall-faċilitajiet eżistenti u soluzzjonijiet ġodda u innovattivi;

48.

jirrakkomanda li l-UE u l-gvernijiet nazzjonali jiżguraw finanzjament pubbliku stabbli u sistematiku għall-adattament, bħall-utilitajiet pubbliċi, is-servizzi ta’ emerġenza u ta’ salvataġġ, u l-kura tas-saħħa. L-adattament prekawzjonarju jitlob investiment komprensiv fl-infrastruttura u l-istrumenti ta’ salvataġġ li jintegraw l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu f’miżuri ta’ sostenibbiltà ġenerali;

49.

jilqa’ t-tħabbir tal-Bonds Ekoloġiċi għall-finanzjament tal-azzjoni klimatika; iwissi li r-riżorsi pubbliċi jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw il-ħtiġijiet kollha ta’ adattament u li għandu jitħeġġeġ il-finanzjament privat għall-isforzi ta’ adattament. Huwa importanti li l-kriterji tat-tassonomija u l-ġestjoni ta’ dak li jitqies sostenibbli u li ma jikkawżawx ħsara jkunu mfassla b’tali mod li ma jkunux ta’ piż amministrattiv għal dawk li jixtiequ jagħmlu investimenti sostenibbli. Dan huwa partikolarment minnu meta dawn l-aspetti jmorru lil hinn mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-UE u fl-Istati Membri;

50.

jirrikonoxxi li l-qafas il-ġdid 2021-2027 se jiffoka ħafna fuq Ewropa aktar intelliġenti permezz tal-innovazzjoni u fuq Ewropa aktar ekoloġika u ħielsa mill-karbonju; jappella għal rwol akbar għall-KtR biex iservi ta’ gwida fl-użu tat-taħlita ta’ strumenti għall-investiment pubbliku-privat reġjonali fl-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu; dan jinkludi l-appoġġ għal strateġiji mmexxija lokalment u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-awtoritajiet lokali fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali; jirrimarka li l-programmi Ewropej jeħtieġ jippromovu l-ħolqien u l-kondiviżjoni ta’ soluzzjonijiet klimatiċi tajbin għall-benefiċċju ta’ muniċipalitajiet ta’ daqsijiet differenti;

51.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jafu l-aħjar il-ħtiġijiet u l-isfidi taċ-ċittadini u huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE fil-livell lokali u reġjonali. Għalhekk, hemm bżonn li l-Istati Membri jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet relatat mal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali. Il-KtR iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddelegaw il-ġestjoni tal-fondi u tal-istrumenti finanzjarji lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, abbażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

52.

jindika l-livell il-ġdid ta’ impenn mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex iżid is-sehem tal-finanzjament iddedikat għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali sal-2025 u l-iżvilupp tal-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku (9); jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni tas-sistema għall-Valutazzjoni tar-Riskji Klimatiċi (Climate Risk Assessment system – CRA) tal-BEI għall-valutazzjoni sistematika tar-riskji klimatiċi fiżiċi;

53.

jenfasizza l-ħtieġa li l-iżvilupp tal-Istrateġija l-ġdida ta’ Adattament tal-UE jissejjes fuq il-prinċipji stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-bliet u r-reġjuni bħala msieħba sħaħ f’dan il-qafas u tindirizza aħjar id-distakk bejn l-istrateġiji ta’ adattament lokali minn isfel għal fuq, u l-istrateġiji nazzjonali ta’ adattament;

Koerenza u operazzjonijiet aħjar fl-Ewropa kollha

54.

jirrimarka li l-objettivi tal-Patt Klimatiku jiddependu minn sussidjarjetà attiva u l-governanza f’diversi livelli: il-KtR jinsab lest li jagħti l-appoġġ politiku tiegħu fl-implimentazzjoni tal-Patt Klimatiku (10) u jwasslu lill-bliet u r-reġjuni kollha tal-Ewropa. F’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-azzjoni ta’ adattament bħala waħda mill-interventi għal din l-inizjattiva importanti;

55.

jenfasizza l-potenzjal tal-Patt Klimatiku Ewropew bħala, minn naħa, għodda ta’ governanza innovattiva li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej, u min-naħa l-oħra, inizjattiva umbrella biex jiġi stimulat il-ħolqien ta’ patti klimatiċi lokali madwar l-UE u biex jiġi ffaċilitat l-użu tal-aħjar prattiki, anke dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima;

56.

itenni l-importanza li l-politiki ta’ adattament jiġu integrati fl-infrastruttura territorjali u fl-ippjanar u l-ġestjoni tal-pajsaġġ (11): għandu jsir sforz sinifikanti min-naħa tal-bliet u r-reġjuni;

57.

jilqa’ l-proposta għal Pjan ambizzjuż dwar il-Mira Klimatika għall-2030 u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi wkoll miżuri u miri ta’ adattament f’dan il-qafas;

58.

jenfasizza li diversi inizjattivi, bħad-Djalogi maċ-Ċittadini, il-Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali, id-Djalogi f’Diversi Livelli dwar il-Klima u l-Enerġija, u n-network RegHub, kif ukoll l-Inizjattiva Urbana Ewropea tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, jistgħu jappoġġjaw kemm il-valutazzjoni tal-azzjoni ta’ adattament kif ukoll l-istabbiliment tal-aġenda strateġika, billi jinvolvu lil dawk milquta direttament mit-tibdil fil-klima u mill-miżuri ta’ adattament;

59.

jilqa’ t-tnedija tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni, bħala inizjattiva li tħares ’il quddiem li żżid l-isforzi tal-UE fuq wieħed mill-oqsma ewlenin għall-kisba tal-għanijiet klimatiċi tagħna: f’dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa r-rwol tar-rinnovazzjoni tal-bini fit-titjib tal-miri ta’ adattament u biex l-ambjent mibni jsir aktar reżiljenti;

60.

jirrimarka li l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq iċ-ċittadini jvarja skont il-vulnerabbiltà soċjali u ekonomika, l-età u l-ġeneru tagħhom; l-aspett soċjali tal-politiki ta’ adattament għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bir-reqqa fl-Istrateġija l-ġdida tal-UE, abbażi tal-ħidma li qed tiġi żviluppata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent f’dan il-qasam (12);

61.

jenfasizza li l-Istati Membri bħalissa qed jabbozzaw diversi pjani u strateġiji, bħall-Istrateġiji dwar l-Adattament għall-Klima, il-Pjani Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima, l-Istrateġiji Nazzjonali fit-Tul u l-Istrateġiji ta’ Żvilupp Sostenibbli, u politiki settorjali oħra bħall-bijodiversità, il-forestrija, l-agrikoltura jew il-ġestjoni tal-art; jirrimarka li dan joħloq riskju ta’ konfużjoni għall-bliet u r-reġjuni, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra mill-ġdid il-qafas ġenerali favur approċċ aktar integrat;

62.

jistieden lill-Kummissjoni tirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri jinvolvu lill-gvernijiet sottonazzjonali fl-abbozzar tal-istrateġiji ta’ adattament tagħhom u fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali u lokali, kif ukoll ta’ tqassim reġjonali ta’ strateġiji nazzjonali; il-KtR jinsab lest li jorganizza Djalogi f’Diversi Livelli dwar l-Enerġija u l-Klima għal dan il-għan.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  https://climateemergencydeclaration.org/climate-emergency-declarations-cover-15-million-citizens/

(2)  Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (COM(2018) 738 final).

(3)  https://www.eea.europa.eu/themes/climate-change-adaptation

(4)  https://ec.europa.eu/futurium/en/climate-adaptation/

(5)  https://www.eumayors.eu/

(6)  https://www.patttassindki.eu/

(7)  COM(2020) 299 final.

(8)  https://climate-adapt.eea.europa.eu/

(9)  https://www.eib.org/en/about/partners/cso/consultations/item/cb-roadmap-stakeholder-engagement.htm

(10)  Ara l-Opinjoni 1360/2020 dwar “Il-Patt Klimatiku Ewropew” (ĠU C 440, 18.12.2020, p. 99) ta’ Rafał Trzaskowski (PL/PPE), disponibbli hawnhekk https://cor.europa.eu/MT/our-work/Pages/OpinionTimeline.aspx?opId=CDR-1360-2020

(11)  https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/adaptation/what/docs/swd_2013_137_en.pdf

(12)  https://www.eea.europa.eu/publications/unequal-exposure-and-unequal-impacts


2.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/40


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-impatt tat-tibdil fil-klima fuq ir-reġjuni: valutazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew

(2021/C 37/07)

Relatur:

Andries GRYFFROY (BE/AE), Membru ta’ Assemblea Reġjonali: Parlament Fjamming

Dokument ta’ referenza:

Konsultazzjoni mill-Presidenza (Artikolu 41(b)(i))

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

It-tfassil tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku fil-livelli differenti bħala strument għall-irkupru ekoloġiku lejn Ewropa newtrali għall-klima

1.

jinnota kif, skont l-istimi tal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), aktar minn 70 % tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u sa 90 % tal-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima jittieħdu minn awtoritajiet lokali u reġjonali, u kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw 70 % tal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE, u jirrappreżentaw terz tan-nefqa pubblika u żewġ terzi tal-investiment pubbliku. Bħala tali, il-mira li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 u li tissaħħaħ ir-reżiljenza territorjali, trid tintlaħaq f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u bl-appoġġ tagħhom;

2.

jissottolinja kif il-Patt Ekoloġiku huwa strument ewlieni biex l-UE tilħaq il-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi, timplimenta bis-sħiħ l-Aġenda 2030 tan-NU u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), u tagħmel kontribut ambizzjuż tal-UE għall-Qafas Globali tal-Bijodiversità għal wara l-2020 (1); jenfasizza l-importanza li jiġu adottati miri mġedda għall-2030 biex iż-żieda fit-temperatura globali tinżamm sew taħt iż-2 oC aktar mil-livelli preindustrijali u biex isiru sforzi biex tiġi limitata dejjem aktar iż-żieda fit-temperatura għal 1,5 oC, kif iddikjarat fil-Ftehim ta’ Pariġi; jenfasizza li l-miri li għandhom jintlaħqu għandhom iqisu l-prerogattiva ta’ kull Stat Membru li jiddetermina t-taħlita tal-enerġija tiegħu filwaqt li jirrispettaw l-ispeċifiċitajiet u l-kuntest tiegħu u jkunu konformi mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika; ifakkar li t-tibdil fil-klima jaffettwa r-reġjuni Ewropej kollha u li l-konsegwenzi wiesgħa tiegħu fuq is-saħħa, l-ambjent kif ukoll l-ekonomiji, li jistgħu jvarjaw bejn reġjun u ieħor, jeħtieġu azzjoni urġenti u sforz trasformattiv sabiex l-isfidi jinbidlu f’opportunitajiet;

3.

jenfasizza li l-Patt Ekoloġiku joffri opportunitajiet li m’għandhomx jintilfu biex jitrawmu soluzzjonijiet sostenibbli, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u innovattivi għall-iżvilupp sostenibbli lokali u reġjonali. Dan jista’ jgħin biex tiġi żgurata ekonomija aktar sostenibbli, kompetittiva u reżiljenti fl-Ewropa, u jipprovdi ispirazzjoni, tmexxija u mudell globali biex jintlaħqu n-newtralità klimatika u l-irkupru ekoloġiku;

4.

jemmen li sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Patt Ekoloġiku, jridu jiġu determinati sforzi f’konformità ma’ approċċ minn isfel għal fuq u li dawn jiġu kondiviżi b’mod ġust bejn it-territorji tal-UE f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, filwaqt li jkun hemm il-flessibbiltà neċessarja sabiex tiġi żgurata l-kosteffettività tagħhom;

5.

jinnota li l-kriżi tal-COVID-19 tat prova tal-vulnerabbiltà tas-soċjetajiet tagħna u l-ħtieġa li ntejbu r-reżiljenza tagħhom kontra xokkijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jafferma mill-ġdid ir-rwol ċentrali tal-Istrument tal-UE għall-Irkupru l-ġdid li jappoġġja l-irkupru tal-UE u jwitti t-triq għal tranżizzjoni aktar ekoloġika u ġusta u futur aktar sostenibbli;

6.

jitlob ir-rikonoxximent tal-governanza f’diversi livelli biex torbot b’mod effiċjenti l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku ma’ rkupru ekoloġiku għall-Ewropa; jissottolinja kif l-ispettru wiesgħa ta’ temi li huma inklużi fil-Patt Ekoloġiku jipprovdi art fertili għall-integrazzjoni ta’ pjani ġodda u eżistenti fost is-setturi, għat-tfassil u t-tmexxija ’l quddiem ta’ miżuri li jistgħu jivvalorizzaw il-ħtiġijiet u l-valur miżjud tal-kuntest lokali u jikkomplementaw l-isforzi nazzjonali, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

7.

jissottolinja li l-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza jirrappreżentaw opportunità li ma tistax tintilef għall-użu tal-governanza f’diversi livelli. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu appoġġjati minn oqfsa regolatorji u riżorsi xierqa billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti b’mod sħiħ fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-pjani u billi jingħatalhom aċċess dirett għall-fondi tal-UE;

8.

ifakkar fl-analiżi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) li turi kif implimentazzjoni subottimali tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE fil-biċċa l-kbira tad-drabi tkun ir-riżultat ta’ koordinazzjoni ineffettiva bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, aggravata min-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva u finanzjament insuffiċjenti, in-nuqqas ta’ għarfien u data, mekkaniżmi tal-assigurazzjoni tal-kwalità insuffiċjenti u nuqqas ta’ integrazzjoni politika; għalhekk jappella għal tisħiħ sistematiku tal-integrazzjoni vertikali sabiex jiġu indirizzati lakuni fl-ambizzjoni, jiġu allinjati l-iskedi ta’ żmien għall-implimentazzjoni u l-prijoritajiet għall-investiment, jiġu limitati d-duplikazzjonijiet tal-miżuri, proċessi kontradittorji jew li mhumiex konnessi, kif ukoll jiġu indirizzati l-lakuni fil-politiki u l-leġiżlazzjoni eżistenti (2);

9.

jissottolinja kif, filwaqt li djalogu kontinwu bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jitħeġġeġ bil-qawwa fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, esperjenzi bħall-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) urew li proċess strutturat ta’ involviment u konsultazzjoni fil-livelli kollha tal-gvern jista’ jkun diffiċli biex jinkiseb (3); iqis li dan id-Djalogu f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija għandu jiġi promoss ulterjorment u għandu jiġi estiż għall-oqsma kollha tal-Patt Ekoloġiku sabiex jiġi ggarantit il-livell ta’ koerenza meħtieġ biex isir użu mir-riżorsi, l-impenji u l-pjani b’mod adegwat; fuq l-eżempju tad-Djalogi f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija, itenni li huwa lest li jistabbilixxi pjattaforma permanenti f’diversi livelli għal Djalogu f’diversi livelli dwar il-Patt Ekoloġiku; jenfasizza li approċċ minn isfel għal fuq u l-provvediment ta’ konsultazzjonijiet obbligatorji mal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu ggarantiti fl-iżvilupp ta’ Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-politiki tal-Patt Ekoloġiku b’mod ikkoordinat u effettiv (4). Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tibni fuq l-esperjenza ta’ implimentazzjoni miġbura wkoll permezz tan-Network ta’ Ċentri Reġjonali tal-KtR;

10.

jenfasizza li l-input strateġiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa strumentali sabiex tiġi żgurata l-inkorporazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara” sabiex il-Patt Ekoloġiku jsir ġeneratur tal-impjiegi sostenibbli u ġust f’konformità mal-ħtiġijiet lokali u reġjonali; jilqa’ l-abbozz tal-Karta ta’ Leipzig il-Ġdida, li jenfasizza l-qawwa trasformattiva tat-tħeġġiġ tal-adozzjoni ta’ proċessi tal-ippjanar urban integrati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jkunu kkoordinati permezz ta’ approċċi integrati, ibbażati fuq il-post, fuq diversi livelli u parteċipatorji bħall-Investimenti Territorjali Integrati; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea turi impenn akbar lejn l-Aġenda Urbana tal-UE u tinkorporaha fil-Patt Ekoloġiku u f’inizjattivi diġitali (5);

11.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jinvolvu lill-komunitajiet tagħhom, jattiraw investituri privati u jimplimentaw azzjonijiet ambizzjużi u f’waqthom, filwaqt li jaġixxu mhux biss bħala amministraturi iżda wkoll bħala fornituri ta’ servizzi. Huma jistgħu jadottaw patti ekoloġiċi lokali olistiċi li jikkunsidraw is-sitwazzjonijiet ekonomiċi, soċjali, ġeografiċi u ambjentali lokali differenti;

12.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jaġixxu bħala msieħba ewlenin fit-triq tal-UE lejn in-newtralità klimatika, billi jappoġġjaw impenn lokali u reġjonali li jiġu żviluppati patti ekoloġiċi lokali, bħal dawk imħabbra fil-messaġġ ta’ Mannheim, u implimentati kuntratti klimatiċi bbażati fuq il-post u patti klimatiċi (6) mfassla f’kooperazzjoni maċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati ewlenin, inklużi s-setturi tan-negozju, tal-industrija, tar-riċerka u tal-innovazzjoni;

13.

jipproponi li jaħdem flimkien mal-Kummissjoni Ewropea biex iniedi Tabella ta’ Valutazzjoni Reġjonali Ewropea li tinkludi indikaturi ċari, immirati u faċli għall-utent sabiex jitkejlu u jiġu monitorjati l-impatti tal-Patt Ekoloġiku fil-livell tar-reġjuni (NUTS 2) f’koordinazzjoni mas-sistema ta’ monitoraġġ prevista fit-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali. Billi r-reġjuni tal-UE għandhom punti ta’ tluq u trajettorji ta’ żvilupp differenti ħafna, it-tabella ta’ valutazzjoni tagħmilha possibbli li tiġi pprovduta evidenza dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku, jiġu identifikati ostakli possibbli, u jiġu proposti soluzzjonijiet għal territorji li jaqgħu lura u li jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki minn dawk l-aktar avvanzati. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka jista’ jipprovdi lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni bl-appoġġ metodoloġiku biex tiġi żviluppata tabella ta’ valutazzjoni bħal din li tallinja mal-aġenziji u l-istituzzjonijiet rilevanti bħall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent;

14.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi stabbilit Patt Klimatiku Ewropew bl-għan li jiġu involuti ċ-ċittadini u l-komunitajiet tagħhom fit-tfassil ta’ azzjonijiet klimatiċi u ambjentali konkreti fil-prattika; itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma lesti jaħdmu fi sħubija mal-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha taħt il-Patt Klimatiku biex flimkien jipprovaw jilħqu l-miri tan-newtralità klimatika u l-implimentazzjoni tal-SDGs tan-NU (7); iqis li l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità għandhom ikunu relatati mal-istrumenti ta’ finanzjament sabiex jiġi żgurat li l-pjani u l-azzjonijiet imfassla mill-bliet u r-reġjuni jkunu jistgħu jiġu implimentati;

L-għoti ta’ soluzzjonijiet globali billi l-Patt Ekoloġiku jiġi implimentat fil-livell lokali u reġjonali

15.

jenfasizza li l-Patt Ekoloġiku se jirnexxi biss joħloq Ewropa aktar b’saħħitha, aktar sostenibbli u inklużiva jekk jiżgura integrazzjoni kemm orizzontali kif ukoll vertikali fil-livelli kollha tal-gvern u jekk iċ-ċittadini jagħmlu t-tranżizzjoni enerġetika r-responsabbiltà tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala l-akbar imsieħba tagħhom f’dan il-proċess, mhux biss bħala imsieħba fl-implimentazzjoni, iżda permezz tal-proċess tad-definizzjoni tal-oqfsa regolatorji, fiskali u finanzjarji tagħna fil-livelli kollha, f’konformità ma’ sistema (li tkun tabilħaqq) ta’ governanza f’diversi livelli;

16.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom pożizzjoni privileġġata li jaħdmu direttament man-nies u jrawmu tibdil fl-imġiba taċ-ċittadini favur xejriet aktar sostenibbli ta’ konsum, u b’hekk iħalluhom joħorġu b’soluzzjonijiet vijabbli u li jiffunzjonaw bħala laboratorji ħajjin għal ideat u għarfien ġodda (8), u biex irawmu l-adozzjoni ta’ miri ambizzjużi, iżda realistiċi, billi jinkorporawhom fil-miżuri, servizzi u prijoritajiet tal-komunità li huma jirrappreżentaw; jissottolinja r-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-azzjoni klimatika u jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-komunikazzjoni u l-edukazzjoni dwar il-klima bħala għodod neċessarji biex iċ-ċittadini jsiru atturi b’saħħithom u infurmati f’dawn l-isforzi; jenfasizza li ż-żieda tal-mira għall-2030 ma għandhiex issir deterrent iżda minflok għandha tiffaċilita u tippermetti azzjoni klimatika li tħalli impatt;

17.

bi tħejjija għall-COP26, jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza r-rwol u l-kontribut espliċiti tal-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Lokali fi ħdan il-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDCs) riveduti tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi; u, b’mod aktar ġenerali, tippromovi b’mod attiv ir-rikonoxximent kontinwu u l-parteċipazzjoni diretta tal-gvernijiet sottonazzjonali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi u fil-proċessi tal-UNFCCC;

18.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma essenzjali biex itejbu l-konformità mal-SDGs, b’mod partikolari l-Għanijiet 11 u 17; ifakkar li r-Rapport tal-2019 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-Ewropa (9) identifika l-klima, il-bijodiversità, l-ekonomija ċirkolari u l-konverġenza fl-istandards tal-għajxien bejn il-pajjiżi u r-reġjuni bħala l-akbar sfidi għall-UE fil-kisba tal-SDGs; jirrakkomanda ħafna li jiġi żgurat qafas armonizzat, u jappella lill-UE biex tieħu l-passi meħtieġa biex turi tmexxija kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak globali dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs;

19.

itenni l-importanza ta’ involviment kontinwu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’kull pass tal-proċess ta’ ppjanar għall-irkupru u r-reżiljenza: l-istabbiliment ta’ prijoritajiet, it-tfassil tal-pjani, l-allokazzjoni ta’ riżorsi u d-definizzjoni ta’ investimenti; jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jibbażaw kontinwament fuq l-appoġġ u fuq l-informazzjoni intuwittiva tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Grupp ta’ Ħidma tal-KtR dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali biex irawmu l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku u rkupru effettiv;

Il-konnessjoni u t-tfittxija ta’ sinerġiji biex titħaffef l-implimentazzjoni permezz ta’ approċċi sistemiċi

20.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lis-sistema tal-ipprezzar tas-CO2. It-trasformazzjoni tal-klima teħtieġ investiment ġdid – speċjalment fis-settur privat – għal skopijiet ta’ adattament u mitigazzjoni. Sabiex jiġi attirat l-investiment meħtieġ, il-prezz tas-CO2 għandu jiġi stabbilit f’livell prevedibbli u adatt. Sistema bħal din għandha tinkoraġġixxi lill-kumpaniji tal-enerġija u oħrajn biex jaqdu rwol b’saħħtu fil-kisba tal-miri klimatiċi u fil-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju; jenfasizza li se tkun meħtieġa sistema ta’ pprezzar aktar effiċjenti għas-CO2 inkluż mekkaniżmu ta’ aġġustament fil-fruntiera sabiex is-CO2 isir parti trasparenti tas-sistema ekonomika u biex tiġi promossa t-tranżizzjoni lejn in-newtralità karbonika; sistema bħal din għandha tkun imfassla biex tinkoraġġixxi lill-kumpaniji tal-enerġija u oħrajn biex joħolqu soluzzjonijiet ġodda newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Din tkun toħloq kundizzjonijiet ekwi ġodda għal azzjoni sostenibbli u hija għodda kruċjali biex is-CO2 isir parti trasparenti fil-livelli u s-setturi kollha; jappella lill-UE biex tieħu pożizzjoni ta’ tmexxija qawwija fid-dinja sabiex tiżviluppa s-sistema meħtieġa sal-2030 u tinnegozja elementi simili mal-imsieħba kummerċjali globali tagħha;

21.

jappoġġja s-sejħa tal-Parlament Ewropew biex jiġi stabbilit baġit nett għall-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE27 ibbażat fuq l-aħħar kalkoli xjentifiċi użati mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), li jirrappreżenta s-sehem ġust tal-Unjoni tal-emissjonijiet globali li jifdal f’konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi u li jiggwida l-istabbiliment tat-trajettorja tal-Unjoni lejn emissjonijiet netti żero ta’ gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050;

22.

iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali qegħdin fuq quddiem nett tal-irkupru ekoloġiku; jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali diġà qed jintegraw l-SDGs fil-pjani lokali u fl-istrateġiji reġjonali tagħhom (10), li jistgħu jservu bħala punt ta’ tluq essenzjali għal implimentazzjoni kosteffettiva tal-Patti Ekoloġiċi Lokali u Reġjonali li jgħaqqdu diversi pjani u strateġiji settorjali u jiżviluppaw indikaturi adegwati għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt;

23.

jinnota l-ħtieġa li jiġu integrati u marbutin flimkien il-ħafna inizjattivi eżistenti u finanzjati mill-UE maħsubin għal-livell lokali u li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-SDGs u tal-Ftehim ta’ Pariġi billi jsir fokus fuq settur wieħed jew aktar (bħall-Patt tas-Sindki, il-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi, in-Network tal-Bliet Kapitali Ekoloġiċi Ewropej, is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Bliet u l-Komunitajiet Intelliġenti, il-100 Belt Newtrali għall-Klima u l-Isfida tal-Bliet Intelliġenti kif ukoll inizjattivi oħrajn li mhumiex iffinanzjati direttament mill-UE bħalma hi l-Under2 Coalition); jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tgħin biex tipprovdi ħarsa ġenerali ċara tal-kampijiet ta’ applikazzjoni u l-karatteristiċi tal-inizjattivi eżistenti ffinanzjati mill-UE marbuta mal-Patt Ekoloġiku u ddedikati għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex tiggwida aħjar l-involviment tagħhom;

24.

iqis li l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku se tirrikjedi soluzzjonijiet flessibbli u innovattivi u mudelli tan-negozju ġodda għat-trasformazzjoni tal-infrastruttura lokali u reġjonali u s-servizzi tal-ekosistema għal soċjetà mingħajr l-użu ta’ karbonju, inkluż it-teknoloġija diġitali intelliġenti u l-infrastruttura ekoloġika u marittima, għat-titjib tal-kwalità tal-ispazji pubbliċi tagħna, għall-appoġġ tal-adattament għat-tibdil fil-klima, għat-tisħiħ tal-bijodiversità u għall-appoġġ tas-saħħa pubblika u tal-kwalità tal-ħajja; jilqa’ l-prijoritajiet identifikati, iżda jissottolinja l-ħtieġa li jiġu rinforzati l-interkonnessjonijiet bejniethom, tissaħħaħ id-diversifikazzjoni tal-produzzjoni, il-kosteffettività u jiġu prijoritizzati dawk b’potenzjal akbar ta’ ħolqien ta’ impjiegi sabiex il-Patt Ekoloġiku jiġġenera l-irkupru, inkluż:

mewġa ta’ rinnovazzjoni għall-bini privat u pubbliku, kif ukoll id-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ;

mobbiltà u trasport nodfa;

l-ekonomija ċirkolari u s-sistemi agroalimentari sostenibbli;

il-bijodiversità u l-ġestjoni tal-ekosistema;

soluzzjonijiet bbażati fuq in-natura u l-ekoloġizzazzjoni urbana;

ambizzjoni ta’ tniġġis żero fl-UE;

id-diġitalizzazzjoni;

politiki tas-saħħa u ambjentali;

politika ta’ reżiljenza li tintegra l-koeżjoni, l-iżvilupp rurali, il-politiki tas-saħħa u ambjentali;

l-inkoraġġiment ta’ traspożizzjonijiet malajr u koerenti tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa u l-adozzjoni rapida tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima sabiex il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klima u l-enerġija tiġi adattata għall-mira msaħħa għall-2030 bħala pass ’il quddiem lejn in-newtralità klimatika sal-2050;

it-tranżizzjoni lejn ekonomija blu sostenibbli;

tranżizzjoni enerġetika sostenibbli u ġusta li trawwem sjieda diretta taċ-ċittadini u aċċess għal enerġija sikura u affordabbli għal kulħadd;

25.

jenfasizza li l-Patt Ekoloġiku jipprovdi opportunità għal approċċ aktar sistematiku għall-aċċellerazzjoni tal-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija, l-akkoppjament tas-setturi u l-implimentazzjoni ta’ integrazzjoni settorjali u speċjalizzazzjoni intelliġenti, filwaqt li tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija, jiġu protetti s-saħħa u l-ambjent u jiġu promossi t-tkabbir, l-innovazzjoni u t-tmexxija industrijali globali; f’dan is-sens jenfasizza li t-tranżizzjoni tal-enerġija se jkollha tiġi implimentata b’approċċ komprensiv, li jindirizza l-aspetti relatati mal-enerġija flimkien ma’ dawk soċjali, industrijali, territorjali, ambjentali u kulturali, u filwaqt li titqies l-ispeċifiċità ta’ kull reġjun u, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli bħar-reġjuni b’użu intensiv tal-faħam u tal-karbonju, il-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi;

26.

ifakkar li għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni b’sistemi iżolati tal-enerġija, b’potenzjal għoli għal riżorsi rinnovabbli u li għalihom għadhom mhumiex disponibbli soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi li jippermettu l-interkonnessjoni;

27.

itenni li, filwaqt li l-innovazzjoni għandha rwol ewlieni x’taqdi fl-iżvilupp ta’ UE aktar sostenibbli u reżiljenti, diġà hemm firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet tekniċi għal Ewropa kosteffettiva u newtrali għall-klima disponibbli fis-suq u għandhom jintużaw — pereżempju, l-istudji juru li bit-teknoloġiji attwali, sa 86 % tal-emissjonijiet tas-CO2 (11) jistgħu jitnaqqsu f’sistema tal-enerġija interkonnessa, u jappella għal aktar riċerka u sforzi ta’ żvilupp f’dan il-qasam; jenfasizza li s-soluzzjonijiet u l-aħjar prattiki għandhom ikunu aċċessibbli b’mod faċli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz tal-Patt Klimatiku, sabiex jitrawmu t-tagħlim bejn il-pari u l-kooperazzjoni fl-UE kollha;

28.

jissottolinja li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaffaċċjaw diversi ostakli relatati man-nuqqas ta’ għajnuna finanzjarja u tar-riżorsi umani, kif ukoll ma’ politiki, regolamenti u strutturi organizzazzjonali eżistenti. Oqfsa regolatorji koerenti, stabbli u prevedibbli, simplifikazzjoni tal-mekkaniżmi relatati mal-preparazzjoni ta’ proġetti, bini tal-kapaċità u assistenza teknika mfassla apposta jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiżguraw l-investiment għal proġetti ambizzjużi u jiżviluppaw proġetti bankabbli;

It-tħaffif tal-irkupru ekoloġiku Ewropew billi jiġu pprovduti mandati u finanzjament adegwati għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku fil-prattika

29.

iqis l-irkupru ta’ wara l-COVID-19 bħala sfida li trid tiġi milqugħa bi strateġija sistematika għall-investiment, l-appoġġ u l-promozzjoni ta’ triq aktar sostenibbli għall-Ewropa, u b’mod partikolari azzjoni qalbiena mill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jimmitigaw l-effetti soċjoekonomiċi tal-kriżi; huwa konvint li l-istrument għall-irkupru Next Generation EU (12), u b’mod partikolari l-allokazzjoni ta’ 37 % tal-baġit ta’ EUR 750 biljun tiegħu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, u l-mira ogħla tal-QFP għal azzjoni relatata mal-klima se jpoġġu lill-UE fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri klimatiċi tagħha;

30.

jilqa’ l-possibbiltà li l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jappoġġja t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema billi jżid l-offerta ta’ edukazzjoni u ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET), jgħin biex jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda, filwaqt li jiġu promossi l-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, b’mod partikolari f’reġjuni vulnerabbli, inklużi dawk bi struttura ta’ produzzjoni li mhix diversifikata biżżejjed; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-ħiliet tax-xogħol rilevanti għall-Patt Ekoloġiku bħala parti mill-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet għal kompetittività sostenibbli, ġustizzja soċjali u reżiljenza, l-użu tal-Patt tal-UE għall-Ħiliet u s-Sħubiji Ewropej għall-Ħiliet, u li jissaħħu l-edukazzjoni pubblika u s-sensibilizzazzjoni biex irawmu bidla fl-imġiba favur użanzi aktar sostenibbli li jnaqqsu l-impatti ambjentali;

31.

jitlob li l-finanzjament ikun jaqbel mal-politika ta’ koeżjoni għall-2021-2027 biex jissaħħu l-programmi operazzjonali u dawn l-ekonomiji jsiru aktar ekoloġiċi; jenfasizza l-importanza tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-istrument għall-irkupru l-ġdid biex tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku;

32.

jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE japplikaw il-prinċipji tas-sħubija u l-governanza f’diversi livelli, dimensjoni lokali u reġjonali qawwija u l-provvista tal-parteċipazzjoni obbligatorja tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp tal-pjani għall-irkupru u r-reżiljenza (13), fl-istess waqt li jiffaċilitaw proċess inklużiv, aċċessibbli u trasparenti fil-livell kollha;

33.

jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri jistabbilixxu oqfsa fiskali aħjar u biex jeliminaw b’mod urġenti s-sussidji fuq il-karburanti fossili sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-enerġiji rinnovabbli, titħeġġeġ il-bidla fl-imġiba u jiġu ġġenerati r-riżorsi meħtieġa biex jappoġġjaw tranżizzjoni ġusta; jenfasizza l-importanza li tiġi garantita tranżizzjoni sostenibbli, li tista’ trawwem koeżjoni soċjali u ekonomika;

34.

iqis li filwaqt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kapaċità limitata li jiġġeneraw dħul għall-baġit tagħhom permezz ta’ taxxi u ħlasijiet lokali, huma responsabbli għal 65 % tal-investiment pubbliku relatat mal-klima u l-ambjent, fl-istess ħin, huma se jkomplu jsofru l-impatti tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-finanzi u l-operat tagħhom fis-snin li ġejjin. Għalhekk, jitlob aċċess dirett għall-finanzjament mil-livell Ewropew, u għal programmi kkoordinati fil-livelli kollha tal-governanza u, b’mod partikolari, tal-pjani ta’ investiment li jappoġġjaw il-Patt Ekoloġiku u l-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

35.

itenni t-talba tiegħu li titnaqqas il-burokrazija u jiġu ssimplifikati l-mekkaniżmi relatati mat-tħejjija ta’ proġetti u mal-parteċipazzjoni f’inizjattivi ta’ bini tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li ttejjeb il-linji gwida tar-regolamentazzjoni sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet tas-sostenibbiltà u l-innovazzjoni;

36.

jirrikonoxxi l-użu tal-ibbaġitjar ekoloġiku (14) bħala għodda effettiva fit-tfassil tal-politiki baġitarji sabiex tgħin tivvaluta t-titjib u tmexxih ’il quddiem fl-allinjament tan-nefqa nazzjonali u sottonazzjonali (15), il-proċessi tad-dħul u l-allokazzjoni tar-riżorsi mal-objettivi ambjentali u tal-iżvilupp sostenibbli;

37.

jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fid-definizzjoni tat-tassonomija tal-UE sabiex jiġu identifikati b’mod aħjar l-investimenti reżistenti għall-klima u l-effetti tas-sostenibbiltà; il-kriterji u l-ġestjoni ta’ din it-tassonomija għandhom itejbu s-sostenibbiltà tal-investimenti mingħajr ma jżidu l-piż amministrattiv u jiskoraġġixxu l-investimenti. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għadhom jaffaċċjaw ostakli sostanzjali fil-kisba tal-għarfien espert neċessarju għall-iżvilupp ta’ proġetti bankabbli u għall-aċċess ta’ investiment fuq skala medja sa kbira (16);

38.

jilqa’ ż-żieda gradwali fil-finanzjament iddedikat għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bħala l-bank klimatiku tal-UE; itenni l-appell tiegħu li jkun hemm aktar implimentazzjoni ta’ assistenza teknika mfassla apposta biex tgħin lill-awtoritajiet lokali u reġjonali; jistieden lill-BEI u lill-Kummissjoni Ewropea jsaħħu l-aċċess tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-programmi u l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ proġetti bankabbli – fosthom proġetti fuq skala iżgħar, li jaggregaw proġetti fuq skala żgħira bil-għan li jinħolqu l-ekonomiji ta’ skala meħtieġa;

39.

jissottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jattiraw u jimmobilizzaw finanzjament privat permezz ta’ strumenti bħal bonds ekoloġiċi, fondi ta’ ekwità u mekkaniżmi biex il-finanzjament jiġi kondiviż sabiex jiżdied l-irkupru ekoloġiku; jilqa’ l-missjoni tal-Faċilità tal-Bliet tal-UE li tifforma riżerva sostanzjali ta’ proġetti ta’ investiment fl-enerġija sostenibbli u tibni l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jaċċessaw faċilitajiet bħal Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, u l-Assistenza għall-Iżvilupp ta’ Proġetti tal-Orizzont 2020; iħeġġeġ iż-żieda fl-iskala u fir-replikazzjoni ta’ inizjattivi ta’ punt uniku ta’ servizz li jistgħu jipprovdu valutazzjonijiet tekniċi, appoġġ għal proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti u informazzjoni dwar l-għażliet ta’ finanzjament għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; jinkoraġġixxi sħubiji pubbliċi-privati u aktar sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u programmi oħra bħal Orizzont Ewropa;

40.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi dirett appoġġ finanzjarju lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni li jirrispondi għall-ħtiġijiet lokali identifikati, u jilqa’ s-sejħa riċenti tal-Patt Ekoloġiku taħt Orizzont 2020 li għandha fil-mira tagħha l-appoġġ għall-bliet u r-reġjuni; jissottolinja l-ħtieġa għall-innovazzjoni u t-teknoloġija li jipprovdu informazzjoni neċessarja u rilevanti għal ippjanar, teħid ta’ deċiżjonijiet, u ġestjoni aħjar; jenfasizza l-importanza ta’ prattiki ekoloġiċi ta’ akkwist pubbliku fl-integrazzjoni tal-innovazzjoni, it-teknoloġiji u s-servizzi sostenibbli;

Il-valutazzjoni tal-impatt u l-monitoraġġ tar-riżultati biex tissaħħaħ l-azzjoni futura fil-livelli kollha

41.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit sett ta’ indikaturi għall-valutazzjoni u għall-monitoraġġ tal-progress tal-Patt Ekoloġiku f’termini ta’ leġiżlazzjoni, politiki u finanzjament fil-livell reġjonali, metropolitan u lokali; jipproponi l-iżvilupp ta’ Tabella ta’ Valutazzjoni Reġjonali Ewropea li tinkludi indikaturi ċari, immirati u faċli għall-utent sabiex jitkejlu u jiġu monitorjati l-impatti tal-Patt Ekoloġiku bħala strument għall-irkupru u r-reżiljenza, id-definizzjoni ċara ta’ indikaturi soċjoekonomiċi u ambjentali biex jitkejlu l-impatti tal-ħafna Patti Ekoloġiċi Lokali li qed ifeġġu, il-provvediment ta’ ħarsa ġenerali tal-politiki u l-miżuri komplementari, l-intraċċar tal-aċċess għal sorsi ta’ finanzjament u flussi finanzjarji fil-livell reġjonali u sottonazzjonali, u l-għajnuna fil-valutazzjoni mill-ġdid, fit-teħid ta’ deċiżjonijiet informati, u fl-evalwazzjoni tal-impatti tal-miżuri meħuda biex jiġu ssodisfati l-objettivi tal-irkupru ekoloġiku, in-newtralità klimatika u l-iżvilupp soċjoekonomiku;

42.

jissottolinja kif il-monitoraġġ effiċjenti u sinifikanti tal-progress permezz ta’ Tabella ta’ Valutazzjoni Reġjonali Ewropea huwa kontinġenti fuq mandati adegwati u kontribut kontinwu u koerenti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-iżvilupp, it-tnedija u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjani, li jagħmlu possibbli approċċ verament kosteffiċjenti ta’ azzjonijiet komplementari bejn il-livelli; jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għadhom jaffaċċjaw sfidi sostanzjali fir-rigward tal-ġbir tad-data, inklużi oqfsa regolatorji inkonsistenti, u nuqqas ta’ mandati, kapaċità u riżorsi; u għaldaqstant iqis li huwa essenzjali li jiġu allinjati, marbutin flimkien u integrati l-oqfsa ta’ monitoraġġ u l-indikaturi tal-inizjattivi eżistenti sabiex jiġi evitat li jiġu rdoppjati l-isforzi u biex jittieħed vantaġġ minn metodoloġiji u approċċi eżistenti;

43.

jitlob linja bażi konsistenti għall-monitoraġġ tal-impatti ta’ azzjonijiet u miżuri, abbażi ta’ data xjentifika affidabbli, u mmirati lejn l-intraċċar tal-progress dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs u l-Ftehim ta’ Pariġi; jenfasizza kif l-Istandards Internazzjonali bħal TC 268 fi Bliet u Komunitajiet Sostenibbli, u data miġbura permezz tat-Teknoloġiji tal-Ispazju jistgħu jgħinu fil-monitoraġġ tal-prestazzjoni u jispiraw tabella ta’ valutazzjoni reġjonali;

44.

jinnota li t-Tabella ta’ Valutazzjoni Reġjonali Ewropea se sservi bħala għodda ta’ għarfien u se tgħin biex tirrappreżenta d-diversità tal-ħtiġijiet u l-kuntest tal-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-Ewropa, tappoġġja l-identifikazzjoni u r-replikazzjoni tal-aħjar prattiki skont kriterji komuni u trasparenti, inkluż azzjonijiet pilota bil-finanzi lesti fil-livell lokali u sottonazzjonali;

45.

jenfasizza li t-Tabella ta’ Valutazzjoni Reġjonali Ewropea għandha tappoġġja wkoll il-monitoraġġ tal-pjani għall-irkupru f’żoni vulnerabbli bħal reġjuni muntanjużi, gżejjer, u reġjuni ultraperifiċi u f’reġjuni inqas żviluppati jew li għandhom produzzjoni mhux diversifikata biżżejjed; itenni l-appell li jiġi stabbilit Osservatorju Ewropew dwar in-Newtralità Klimatika Ewropea biex jikkontribwixxi għall-issodisfar tal-obbligi ta’ rappurtar nazzjonali taħt il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u biex jgħin fl-immappjar u l-monitoraġġ ta’ tali vulnerabbiltajiet, flimkien ma’ verifika mġedda tal-ħiliet tal-UE taħt il-Panorama ta’ Ħiliet tal-UE. L-għan huwa li t-tnedija tal-politiki sostenibbli tiġi allinjata ma’ tkabbir tal-ħiliet għal impjiegi ta’ kwalità tajba li jibqgħu validi fil-futur fir-reġjuni l-aktar vulnerabbli u f’reġjuni inqas żviluppati jew li għandhom produzzjoni mhux diversifikata biżżejjed, u li jiġi ffaċilitat l-iskambju effettiv tal-aħjar prattiki, filwaqt li nibnu fuq l-indikaturi komposti eżistenti u kwalunkwe indikaturi oħrajn li jistgħu jiġu identifikati (17).

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Bliet u reġjuni bijodiversi lil hinn mill-2020 fil-COP 15 tal-KDB tan-NU u fl-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 (COR-2020-00539) (ĠU C 440, 18.12.2020, p. 20).

(2)  Lejn it-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (COR 2018-01672) (ĠU C 168, 16.5.2019, p. 27).

(3)  Valutazzjoni madwar l-UE kollha tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima

(4)  L-Implimentazzjoni tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa: il-pjani nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima (NECPs) bħala għodod għal approċċ ta’ governanza lokali u territorjali għall-klima, l-enerġija attiva u l-enerġija passiva (COR-2019-00618) (ĠU C 39, 5.2.2020, p. 33).

(5)  It-tiġdid tal-Karta ta’ Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli (COR-2019-04829) (ĠU C 440, 18.12.2020, p. 119).

(6)  Il-Patt Klimatiku Ewropew (COR-2020-01360) (ĠU C 440, 18.12.2020, p. 99).

(7)  Il-Patt Klimatiku Ewropew (COR-2020-01360) (ĠU C 440, 18.12.2020, p. 99).

(8)  Lejn it-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (COR 2018-01672) (ĠU C 168, 16.5.2019, p. 27).

(9)  https://www.sustainabledevelopment.report/

(10)  Eżempji ta’ strateġiji jinkludu: Malmo, Mannheim, ir-reġjun ta’ Wallonia.

(11)  Ix-xenarju Heat Roadmap Europe 2050 meta mqabbel mal-1990, Quantifying the Impact of Low-carbon Heating and Cooling Roadmaps (EN).

(12)  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_940

(13)  Pjan ta’ rkupru għall-Ewropa li jindirizza l-pandemija tal-COVID-19: il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (COR-2020-03381) (ĠU C 440, 18.12.2020, p. 160).

(14)  http://www.oecd.org/environment/green-budgeting/OECD-Green-Budgeting-Framework-Highlights.pdf

(15)  EcoBudget

(16)  L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi permezz ta’ tranżizzjoni tal-enerġija innovattiva u sostenibbli fil-livell reġjonali u lokali (COR-2019-00617) (ĠU C 39, 5.2.2020, p. 72).

(17)  Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima (COR-2018-05736) (ĠU C 404, 29.11.2019, p. 58).


2.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/47


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tisħiħ tal-governanza lokali u d-demokrazija rappreżentattiva permezz ta’ strumenti teknoloġiċi diġitali ġodda

(2021/C 37/08)

Relatur:

Rait PIHELGAS (EE/Renew Europe), President tal-Kunsill Muniċipali ta’ Järva

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jirrikonoxxi li l-gvernijiet u l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha qed jiffaċċjaw sfidi dejjem aktar kumplessi u mingħajr preċedent, li jvarjaw mill-globalizzazzjoni, l-iżvilupp ekonomiku u l-impatt tat-teknoloġija, għat-tibdil fil-klima u t-tibdil demografiku, sas-sigurtà, id-diżinformazzjoni, il-kwistjonijiet tas-saħħa u r-radikalizzazzjoni;

2.

jilqa’ bi pjaċir il-prijorità tal-politika tal-Kummissjoni Ewropea li tagħmel “Ewropa Lesta għall-Era Diġitali” u s-sejħa tal-President von der Leyen biex tiġi promossa t-tranżizzjoni lejn dinja diġitali bbażata fuq il-valuri Ewropej; jappoġġja l-prijorità ta’ politika “Spinta ġdida għad-demokrazija Ewropea” u l-impenn tal-President tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ parteċipazzjoni aktar demokratika u għal aktar trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;

3.

jilqa’ bi pjaċir l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tappoġġja t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, peress li dan huwa rifless fil-proposta l-ġdida tagħha għal Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, u l-allokazzjoni ta’ EUR 8,2 biljun għall-programm Ewropa Diġitali (1);

4.

jappoġġja l-proposta tal-Parlament Ewropew fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, adottata fil-15 ta’ Jannar 2020, biex tinkludi t-“trasformazzjoni diġitali” bħala waħda mill-prijoritajiet politiċi għall-Konferenza; jaqbel mal-pożizzjoni tiegħu li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tal-Konferenza u l-konsultazzjonijiet għandha tiġi organizzata bl-użu “tal-aktar pjattaformi effiċjenti, innovattivi u adatti, inklużi għodod online, u għandhom jilħqu kull parti tal-UE, sabiex jiġi garantit li kwalunkwe ċittadin jista’ jkun involut matul il-ħidma tal-Konferenza”; jenfasizza li l-Konferenza għandha sservi bħala l-post ta’ ttestjar biex tiġi żviluppata forma ta’ djalogu strutturat u permanenti maċ-ċittadini dwar kwistjonijiet tal-UE, li parti sostanzjali tiegħu ser ikollu jkun ibbażat fuq mezzi diġitali u proċessi innovattivi, mhux l-inqas fid-dawl tar-restrizzjonijiet imposti mill-pandemija tal-COVID-19;

5.

itenni l-pożizzjonijiet rilevanti u kuntestwali mill-Opinjonijiet preċedenti tal-KtR:

L-Opinjoni Il-perspettiva lokali u reġjonali dwar il-promozzjoni tal-innovazzjoni tas-settur pubbliku permezz ta’ soluzzjonijiet diġitali, adottata fil-plenarja tal-KtR fit-30 ta’ Novembru 2017 (2). Il-KtR jagħti ħarsa lejn id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni bħala mezz biex jipprovdi servizzi aħjar liċ-ċittadini u jafferma r-rwol ewlieni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jaqdu fil-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku. Iħeġġeġ lis-settur pubbliku biex jimpenja ruħu fl-innovazzjoni li tiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-utenti u li tagħti aċċess indiskriminat għas-servizzi diġitali għal kulħadd u għal kull negozju u jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni u skambju ta’ prattiki tajbin u innovattivi bejn l-amministrazzjonijiet u bejn il-fruntieri.

L-Opinjoni Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku 2016-2020, adottata fil-plenarja tal-KtR fil-11 ta’ Ottubru 2016 (3). Il-KtR jappoġġja l-prinċipju li l-forniment diġitali tas-servizzi jsir il-metodu awtomatiku ta’ kif jiġu pprovduti s-servizzi mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, u jenfasizza li jridu jsiru sforzi fit-tul sabiex tiżdied l-inklużjoni diġitali ħalli aktar nies ikunu jistgħu jaċċessaw l-infrastruttura u jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni. Il-KtR jirrikonoxxi li l-amministrazzjonijiet trasparenti li jipprovdu d-data u s-servizzi b’mod miftuħ u sigur huma importanti biex tiżdied it-trasparenza u l-effiċjenza, iżda fl-istess ħin jindika l-ħtieġa għal livell għoli ta’ protezzjoni għal ċerti tipi ta’ informazzjoni u data personali. Barra minn hekk, il-KtR jappoġġja l-prinċipju li s-servizzi tal-gvern elettroniku tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom ikunu transkonfinali b’mod awtomatiku, u jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, speċjalment fir-reġjuni tal-fruntiera, jistgħu jaqdu rwol kruċjali fl-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ servizzi transkonfinali li jkunu rilevanti, effettivi u mingħajr xkiel.

L-Opinjoni Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, adottata mill-plenarja tal-KtR fis-7 ta’ Diċembru 2016 (4). Il-KtR jappella għall-investiment fil-ħiliet u t-taħriġ diġitali u jqis id-diġitalizzazzjoni bħala opportunità biex jiġu indirizzati bosta sfidi edukattivi;

6.

jenfasizza li t-trasformazzjoni diġitali ma tridx titwettaq permezz tat-teknoloġija, iżda li l-bidliet għandhom ikunu bbażati fuq il-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini, li għalihom għandhom jiġu żviluppati t-tweġibiet l-aktar trasparenti, l-aktar inklużivi, l-aktar faċli biex jintużaw, l-aktar siguri u l-aktar kosteffettivi. Dan ifisser li l-isfidi l-ġodda jeħtieġu bidliet ukoll fil-livell lokali u reġjonali, li l-implimentazzjoni tagħhom primarjament tiddependi mhux l-inqas mill-kapaċità tal-maniġers li jidentifikaw dawn il-ħtiġijiet u r-rieda li jiġu implimentati l-aktar bidliet adatti. F’demokrazija moderna, mhuwiex biżżejjed li tiġi eżerċitata d-demokrazija rappreżentattiva fuq bażi regolari, għandu jkun hemm l-involviment kostanti tal-membri tal-komunità, tal-gruppi ta’ interess u tal-organizzazzjonijiet. L-inklużjoni u l-parteċipazzjoni jwasslu għal deċiżjonijiet aħjar, isaħħu d-demokrazija, is-sens ta’ komunità u r-rieda li wieħed jikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-reġjun;

7.

jinnota li filwaqt li r-relazzjonijiet tradizzjonali bejn iċ-ċittadini u l-politiċi qed jinbidlu b’mod sinifikanti, qed tinħoloq arena politika diġitali ġdida fejn strumenti teknoloġiċi diġitali ġodda jistgħu jgħinu biex jinstabu soluzzjonijiet ġodda u rispons għall-isfidi, biex jitrawmu l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku, biex jittejjeb is-servizz pubbliku, tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini permezz ta’ modi ġodda u differenti, tittejjeb il-governanza lokali u d-demokrazija tiġi kkomplementata u msaħħa;

8.

iqis li l-proċessi demokratiċi għandhom jevolvu u jadattaw għall-bidliet u jaħtfu l-opportunitajiet assoċjati mat-teknoloġija diġitali ġdida u l-għodod tal ICT li għandhom il-potenzjal li jtejbu l-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet, jippromovu l-parteċipazzjoni, il-komunikazzjoni u d-djalogu, irawmu ċ-ċittadinanza attiva u l-involviment fil-ħajja politika, itejbu t-trasparenza u r-responsabbiltà, u jtejbu l-leġittimità tas-sistema demokratika tagħna;

9.

iqis l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet elettroniċi fl-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala opportunità eċċellenti biex iċ-ċittadini jiġu pprovduti b’servizz pubbliku ta’ kwalità għolja u b’mod effettiv. Il-mili tal-formoli elettroniċi jiffranka l-ħin għaċ-ċittadini u l-awtoritajiet pubbliċi, b’hekk l-impjegati jkunu jistgħu jiddedikaw aktar ħin u attenzjoni għal kompiti amministrattivi oħrajn. Barra minn hekk, id-diversi applikazzjonijiet elettroniċi jippermettu lill-membri tal-komunità jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jimmonitorjaw il-gvern fl-awtorità lokali tagħhom f’ħin reali;

10.

jemmen li t-“trasformazzjoni diġitali” titwettaq l-aħjar fil-livelli ta’ gvern u amministrazzjoni lokali u reġjonali; itenni li l-użu tat-teknoloġiji diġitali joħloq opportunitajiet ġodda għall-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni, u biex tiġi pprovduta informazzjoni ta’ kwalità għolja, jiġi analizzat ir-rispons mill-pubbliku, jintlaħqu ż-żoni remoti u ċ-ċittadini l-aktar żvantaġġati, jiġu inkorporati l-ħiliet, l-għarfien u l-għarfien espert taċ-ċittadini u, flimkien magħhom, titfassal politika li tissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom;

11.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iwettqu t-trasformazzjoni diġitali u jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tat-teknoloġiji diġitali biex b’hekk tiġi ffaċilitata aktar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Għal dan il-għan, għandhom jintużaw it-teknoloġiji diġitali ġodda, jittejbu t-trasparenza, l-inklużività u r-rispons tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u jinbnew il-fiduċja u d-djalogu meħtieġa għal governanza tajba. Huwa essenzjali li dan ikun akkumpanjat mit-tagħlim tal-ħiliet diġitali;

12.

itenni l-importanza li jiġu inkorporati l-kontributi taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u li jiġi żgurat segwitu; jenfasizza li n-nuqqas ta’ rispons min-naħa ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet iwassal għal diżappunt u nuqqas ta’ fiduċja, u jirrimarka li l-fiduċja taċ-ċittadini fl-awtoritajiet pubbliċi hija fundamentali għal demokrazija lokali li tiffunzjona;

13.

jenfasizza li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini għandha tkun ibbażata fuq l-aċċess effettiv u mhux diskriminatorju għall-informazzjoni u l-għarfien; jirrimarka l-ħtieġa li jitnaqqas id-distakk diġitali billi n-nies jingħataw is-setgħa permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ dwar il-ħiliet diġitali u l-litteriżmu medjatiku, filwaqt li tingħata prijorità lill-programmi ta’ taħriġ diġitali għall-gruppi tal-etajiet kollha, b’enfasi partikolari fuq l-anzjani u gruppi oħrajn vulnerabbli jew emarġinati, u t-taħriġ u l-edukazzjoni jiġu estiżi għaż-żoni rurali u remoti;

14.

jenfasizza l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu involuti fil-ħajja pubblika; jinnota li l-ġenerazzjoni diġitali l-ġdida għandha l-ħiliet meħtieġa kemm fit-teknoloġija kif ukoll fil-midja; iqis li l-użu ta’ approċċi ġodda tat-teknoloġija diġitali fil-proċessi ta’ politika u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet jista’ jkun għodda effettiva biex jissaħħu l-involviment u l-parteċipazzjoni tagħhom;

15.

jinnota li t-trasformazzjoni diġitali tinvolvi użu estensiv ta’ riżorsi; jistieden lil-livelli kollha ta’ gvern biex jiddedikaw riżorsi finanzjarji, umani u ta’ taħriġ adegwati għal dawn l-għanijiet, u biex jiżguraw infrastruttura diġitali affordabbli u ta’ veloċità għolja, b’mod partikolari f’reġjuni periferiċi u f’żoni rurali u ekonomikament inqas żviluppati, u biex jiggarantixxu li din tkun aċċessibbli għal kulħadd, inkluż għall-persuni b’diżabilità u għall-anzjani. Itenni f’dan ir-rigward li “t-terminu ‘koeżjoni diġitali’ huwa dimensjoni addizzjonali importanti tal-kunċett tradizzjonali ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali definit fit-Trattat tal-UE” (5);

16.

jenfasizza li t-teknoloġija diġitali tiddependi fuq l-użu tad-data, abilitat mill-ġbir u l-ġenerazzjoni tad-data u għal dan il-għan jappella biex id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data jkun rispettat. Għandha tintalab u tiġi pproċessata biss dik id-data li tkun rilevanti u neċessarja għall-fini speċifika inkwistjoni. Il-protezzjoni u s-sigurtà tal-Internet u tas-servizzi diġitali għandhom jiġu promossi, u ċ-ċittadini għandhom jiġu infurmati b’mod adegwat dwar dak li qed iseħħ bid-data tagħhom u dwar il-miżuri ta’ sigurtà rilevanti meħuda u l-mezzi effettivi ta’ rimedju f’każ ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet, inkluż qafas legali Ewropew b’saħħtu, biex b’hekk jiġu evitati n-nuqqas ta’ fiduċja u n-nuqqas ta’ sodisfazzjon min-naħa taċ-ċittadini. Jenfasizza, għal dan il-għan, il-ħtieġa li tiġi sfruttata l-intelliġenza artifiċjali sabiex tibqa’ ċċentrata fuq il-bniedem u tintuża b’mod li jrawwem ċittadinanza intelliġenti u gvern miftuħ, u b’hekk tissaħħaħ id-demokrazija;

17.

iwissi li l-pjattaformi tal-midja soċjali ta’ spiss jiffaċilitaw it-tixrid tad-diżinformazzjoni, il-misinformazzjoni u d-diskors ta’ mibegħda, li jistgħu jimminaw id-demokrazija u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi; jappella għal aktar impenn fit-tagħlim tal-ħiliet diġitali u jħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika lokali biex jużaw l-għodod diġitali eżistenti, il-pjattaformi online u l-midja biex jikkomunikaw u jimpenjaw ruħhom b’mod pożittiv maċ-ċittadini u mal-partijiet interessati l-oħrajn;

18.

iqis bħala importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw il-mezzi diġitali tagħhom stess adatti biex jikkomunikaw maċ-ċittadini b’mod aktar interattiv u aktar rapidu bil-għan li jiġi żgurat li l-informazzjoni pprovduta tkun affidabbli u rilevanti għall-ħtiġijiet lokali u reġjonali;

19.

jemmen li, lil hinn mill-effetti profondi tad-diġitalizzazzjoni fuq il-ħajja soċjali tal-persuni u d-dinja tax-xogħol, l-edukazzjoni jew il-kultura, biex insemmu ftit, il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza tal-informazzjoni aġġornata u bbażata fuq il-fatti u l-importanza tal-mezzi ta’ komunikazzjoni li jxerrduha. Ħareġ biċ-ċar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u ċ-ċittadini għandhom ikunu kapaċi jinteraġixxu ma’ xulxin u li għandhom jiġu stabbiliti għodod diġitali adatti biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni u l-misinformazzjoni. Dawn l-għodod għandhom dejjem jirrispettaw il-kapaċità tan-nies li jeżerċitaw bi sħiħ il-libertà tal-espressjoni tagħhom;

20.

iħeġġeġ li l-attenzjoni tiffoka fuq l-aċċess ugwali u bla xkiel għas-servizzi diġitali;

21.

jinnota li l-“ġenerazzjoni diġitali” żagħżugħa hija waħda mill-aktar gruppi mmirati għad-diżinformazzjoni u diskors ta’ mibegħda; jinsab imħasseb li l-użu partikolarment intensiv tagħhom tal-midja soċjali, nuqqas ta’ kompetenza kritika fir-rigward tal-midja, speċjalment fost dawk b’livell aktar baxx ta’ edukazzjoni, kif ukoll il-ħolqien ta’ bżieżaq ta’ opinjonijiet omoġenji (kmamar tal-eku) iġġenerati mill-midja soċjali jistgħu jagħmlu lill-utenti żgħażagħ aktar vulnerabbli għall-manipulazzjoni politika; jenfasizza l-ħtieġa li jintużaw l-istrumenti tat-teknoloġija diġitali li jkunu faċli biex jintużaw, jinftiehmu u jkunu attraenti, kemm f’termini ta’ kontenut kif ukoll ta’ disinn, u jkunu adattati għall-ħiliet soċjali u diġitali taż-żgħażagħ biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni kritika tagħhom fir-rigward tar-riskji u l-opportunitajiet tat-teknoloġija diġitali u tal-midja ġdida;

22.

jemmen li l-kriżi tal-COVID-19 ħarġet fid-dieher il-valur potenzjali tat-telexogħol u jħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jagħtu ħarsa lejn kif jistgħu jwessgħu l-arranġamenti tat-telexogħol għall-persunal tagħhom stess;

23.

itenni l-appell tiegħu għal kooperazzjoni aktar mill-qrib u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn il-livelli kollha tal-gvern għall-kisba ta’ użu aħjar u aktar tkabbir tat-trasformazzjoni diġitali tal-bliet u l-komunitajiet; ifaħħar id-diversi eżempji tajbin nazzjonali, reġjonali u lokali li juru biċ-ċar kif l-għodod diġitali jistgħu jkunu utli għad-demokrazija parteċipattiva;

24.

jinnota li l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda hija mxekkla min-nuqqas tal-għarfien u l-ħiliet meħtieġa fil-livell tal-awtoritajiet pubbliċi, li jistgħu jibbenefikaw mill-użu ta’ mezzi diġitali. Għalhekk, huwa utli li l-ewwel nett jittieħed kont tal-ħiliet diġitali disponibbli fl-awtoritajiet lokali u reġjonali, imbagħad jiġu identifikati u definiti n-nuqqasijiet teknoloġiċi fi ħdan u bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, filwaqt li ssir distinzjoni bejn il-proċess u s-soluzzjoni teknika. Hemm ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompatibbiltà (l-interoperabbiltà) bejn is-settijiet ta’ data u l-bażijiet ta’ data differenti;

25.

jenfasizza l-importanza tal-għodod online biex jiġu ffaċilitati s-sħubijiet bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE, u bejnhom u l-pajjiżi msieħba tagħhom; iqis li portal online Ewropew imġedded għall-kooperazzjoni deċentralizzata jipprovdi valur miżjud sostanzjali billi jappoġġja t-tlaqqigħ u l-iskambju ta’ prattiki tajba; jafferma r-rieda tiegħu li jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iżvilupp ta’ din l-għodda diġitali;

26.

jistenna li l-introduzzjoni ta’ diversi soluzzjonijiet diġitali mill-awtoritajiet lokali u reġjonali li tista’ twassal għal ħtieġa ta’ investiment sinifikanti u ta’ darba, se tkun parti mill-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-baġit il-ġdid tal-UE fi ħdan il-qafas tat-trasformazzjoni diġitali;

27.

japprova d-dokument ta’ pożizzjoni tal-Assoċjazzjoni Civic Tech Europe (ACTE) ta’ Marzu 2020 li jgħid li “d-diversità tal-mudelli ta’ negozju tat-teknoloġija ċivika hija l-qofol biex jiġu pprovduti soluzzjonijiet rapidi li huma ffukati fuq iċ-ċittadin b’mod adegwat” u jikkondividi t-tħassib li l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea kollha mhux dejjem ikollhom aċċess faċli għal dawn l-għodod peress li ħafna drabi dawn huma żviluppati bħala pjattaformi ta’ Software bħala Servizz (6), li huma bbażati fuq abbonament;

28.

jipproponi li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jiżviluppa miżuri li jimmotivaw u jippremjaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali bil-għan li jsaħħaħ l-impenn tagħhom favur il-prinċipji ta’ amministrazzjoni miftuħa u inklużiva. Fil-futur, dan jista’ joħloq kriterju ġdid ta’ kwalità sabiex jitkejjel il-grad ta’ demokrazija fil-komunitajiet lokali u biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki;

29.

jappella li fl-Ewropa kollha jkun hemm finanzjament disponibbli biex jittejjeb il-litteriżmu diġitali u medjatiku taċ-ċittadini permezz ta’ programmi edukattivi u ta’ taħriġ għad-diversi livelli ta’ edukazzjoni, kif ukoll għall-persunal u l-uffiċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex itejbu l-ħiliet u l-għarfien tagħhom fir-rigward tal-possibilitajiet għall-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali moderni u l-applikazzjoni tagħhom;

30.

jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu prijorità lill-introduzzjoni ta’ għodod diġitali fil-fondi u l-programmi kollha;

31.

jitlob finanzjament għal għodod u tagħmir edukattiv diġitali sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali fl-Ewropa kollha għal apprendiment u tagħlim diġitali ta’ kwalità;

32.

jirrakkomanda li, jekk meħtieġ, jiġu riveduti l-kriterji ta’ eliġibbiltà sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jintroduċu soluzzjonijiet u pjattaformi diġitali ġodda b’mod aktar sempliċi u aktar ekonomiku, inkluż l-aċċess għall-finanzjament tal-UE għal pjattaformi ta’ Software bħala Servizz.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa (COM(2020) 442 final).

(2)  COR-2017-03529-00-00-AC-TRA (ĠU C 164, 8.5.2018, p. 34).

(3)  COR-2016-02882-00-01-AC-TRA (ĠU C 88, 21.3.2017, p. 54).

(4)  COR-2016-04094-00-01-AC-TRA (ĠU C 185, 9.6.2017, p. 29).

(5)  Opinjoni tal-KtR dwar “Ewropa Diġitali għal kulħadd: noffru soluzzjonijiet diġitali intelliġenti u inklużivi fil-prattika” (COR-2019-03332) (ĠU C 39, 5.2.2020, p. 83).

(6)  Dokument ta’ pożizzjoni tal-Assoċjazzjoni Civic Tech Europe (ACTE), Marzu 2020.


2.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/51


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-isfidi għat-trasport pubbliku fil-bliet u r-reġjuni metropolitani”

(2021/C 37/09)

Relatur:

Adam STRUZIK (PL/PPE), President tal-Provinċja ta’ Mazowieckie

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jirrimarka li jeħtieġ jitnaqqsu l-ispejjeż esterni tat-trasport sabiex tiġi promossa d-dekarbonizzazzjoni tal-mobbiltà. It-trasport huwa responsabbli għal madwar kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE. Fl-istess ħin, xi forom tiegħu jħallu impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa tan-nies minħabba t-tniġġis tal-arja, il-konġestjoni tat-traffiku, l-istorbju, l-inċidenti u l-użu mhux ottimali tal-ispazju;

2.

jenfasizza li sabiex tiġi żgurata kwalità tajba tal-ħajja fil-bliet u biex dawn isiru aktar aċċessibbli, nodfa u kompetittivi, neħtieġu bidla modali lejn modi sostenibbli ta’ trasport;

3.

jinnota li l-problema tat-tixrid tal-funzjonijiet urbani fil-forma ta’ suburbanizzazzjoni u tifrix urban hija riskju fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli tal-bliet u r-reġjuni. Dan ma jikkawżax biss id-degradazzjoni tal-ispazju u jnaqqas l-ispazji agrikoli, ekoloġiċi u dawk miftuħa, iżda jikkawża wkoll żieda fl-ispejjeż esterni tal-użu tal-art residenzjali u l-ivvjaġġar relatat, li jiġġarrbu prinċipalment mill-awtoritajiet tal-gvern lokali;

L-isfidi relatati mal-mobbiltà fil-bliet — li għandhom jiġu kkunsidrati fl-Istrateġija ta’ Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti (1)

4.

jinnota li ż-żieda fit-traffiku tal-karozzi fil-bliet u ż-żoni metropolitani twassal għal żieda fl-ispejjeż esterni relatati mat-tniġġis tal-arja u t-telf ta’ ħin, li konsegwentement jaffettwa wkoll il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata b’mod negattiv. Għalhekk, it-trasport pubbliku għandu jsir wieħed mill-aktar komponenti ewlenin tal-mobbiltà urbana. Fl-istess ħin, għandhom jissaħħu diversi forom ta’ mobbiltà attiva, bħaċ-ċikliżmu u l-mixi biex tiżdied is-sostenibbiltà tal-mobbiltà urbana;

5.

jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi tar-reġjuni metropolitani f’sens usa’ u jirrimarka li n-natura tar-reġjuni metropolitani tirrikjedi livell għoli ta’ vjaġġar taċ-ċittadini lejn iċ-ċentri urbani. Dan jagħmel l-aċċess għat-trasport pubbliku li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u li jkun kosteffettiv waħda mill-akbar sfidi tar-reġjuni metropolitani (2);

6.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li s-sistema tat-trasport tiġi ttrattata bħala sistema integrata. L-importanza dejjem tikber tal-mobbiltà bħala servizz u l-ħtieġa li jiġu introdotti soluzzjonijiet innovattivi fil-ġestjoni u l-organizzazzjoni tat-trasport għandhom iħeġġu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jorbtu t-trasport pubbliku mat-trasport individwali (b’mod partikolari l-mixi, iċ-ċikliżmu u l-użu ta’ apparat personali tat-trasport) fil-ġestjoni tat-territorju u l-pjani dwar it-trasport;

7.

jinnota li l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni stabbiliti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-għan tal-UE li tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050 huma ambizzjużi iżda indispensabbli. Sabiex il-bliet u r-reġjuni metropolitani jilħqu dawn l-objettivi, id-deċiżjonijiet ta’ politika għandhom jittieħdu abbażi ta’ ħidma kunċettwali, organizzattiva u edukattiva, u għandu jkun żgurat ukoll finanzjament adatt biex dawn l-objettivi jintlaħqu;

8.

jirrakkomanda l-ġbir ta’ data li turi l-flussi tal-mobbiltà fir-reġjuni metropolitani bil-għan li tinkiseb stampa komprensiva dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku sabiex jitfasslu miżuri aktar adatti, jiġu żviluppati Pjani ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli bbażati fuq l-evidenza, u biex l-investiment mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u minn sorsi oħrajn jiġi dirett b’mod aktar immirat;

9.

jenfasizza li waħda mill-kawżi tal-problemi tal-mobbiltà urbana hija n-nuqqas ta’ finanzjament għall-infrastruttura tat-trasport pubbliku urban u l-mobbiltà mhux motorizzata. L-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-kumpaniji tat-trasport pubbliku tagħhom jeħtieġu sorsi addizzjonali ta’ finanzjament li jkun strettament immirat biex, fit-taħlita tat-trasport, jiżdied is-sehem tas-soluzzjonijiet alternattivi u sostenibbli, aktar milli t-trasport motorizzat privat;

10.

jenfasizza li l-politika tat-trasport pubbliku għandha tkun integrata f’politika soċjali usa’. Għandu jiġi evitat li l-ispejjeż esterni tat-trasport pubbliku bħall-istorbju, it-tniġġis, l-esproprjazzjoni, ix-xogħlijiet infrastrutturali eċċ., ma jiġux orjentati b’mod sproporzjonat lejn l-aktar persuni soċjalment vulnerabbli. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat aċċess ġust għal kulħadd fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet jew tal-konnettività, b’mod li jippermetti kwalità tal-ħajja aħjar għal kulħadd;

Niżguraw il-possibbiltà ta’ għażla reali bi preferenza għal mezzi sostenibbli ta’ trasport bit-triq fl-ispirtu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew

11.

jirrimarka li, fejn l-istandards prevalenti attwali jiffavorixxu l-karozzi privati fl-ippjanar u l-finanzjament, jeħtieġ li l-kundizzjonijiet jinbidlu b’mod li jippromovi modi ta’ trasport aktar sostenibbli u effiċjenti. Madankollu, id-drawwiet attwali huma dovuti għad-disponibbiltà u l-attraenza tad-diversi modi ta’ trasport, filwaqt li l-parti l-kbira tan-nies hija flessibbli fid-deċiżjonijiet tagħha f’dan il-qasam; Meta t-trasport pubbliku jsir aktar attraenti f’termini ta’ prezzijiet, disponibbiltà, frekwenza u kontinwità tal-konnessjonijiet tat-trasport, tinħoloq l-alternattiva reali għall-mobbiltà individwali tal-karozzi;

12.

jenfasizza l-importanza li tinħoloq sħubija pubblika-privata fil-bliet u fir-reġjuni sabiex jiġi mobilizzat l-investiment privat u jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi fit-trasport pubbliku. F’dan ir-rigward, jappella għal qafas regolatorju favorevoli għan-negozju, li jinċentiva t-tkabbir ta’ mudelli kummerċjali ġodda u joħloq suq kompetittiv;

13.

jenfasizza l-importanza li jiġi pprovdut trasport pubbliku effiċjenti u sostenibbli lil hinn mill-fruntieri amministrattivi tal-bliet, speċjalment għal min jivvjaġġa lejn ix-xogħol u lura, għall-anzjani u għaż-żgħażagħ. Il-kooperazzjoni u l-governanza tajba bejn l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell metropolitan huma kruċjali f’dan ir-rigward;

14.

jirrimarka li t-tibdil fid-drawwiet tas-soċjetà lejn proporzjon ogħla ta’ modi ta’ trasport li jniġġsu inqas jirrikjedi sensibilizzazzjoni mill-utenti u fuq kollox li f’dan il-qasam ikun hemm verament għażliet fattibbli;

15.

jinnota li preferenza intenzjonata għal trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent huwa pass ulterjuri. Jenħtieġ li jinħoloq spazju favorevoli għall-mixi u ċ-ċikliżmu u preferenza spazjali għall-mobbiltà mhux motorizzata u t-trasport pubbliku f’termini tal-aċċessibbiltà u l-attraenza tar-rotot u l-organizzazzjoni tat-traffiku. Għalhekk, bidla bħal din tirrikjedi koordinazzjoni tal-politiki spazjali, urbani u tat-trasport u kooperazzjoni f’diversi livelli lil hinn mill-fruntieri amministrattivi biex jinfetaħ spazju għal forom alternattivi ta’ trasport għall-karozzi;

16.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tifformula, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-miri dwar l-investimenti għall-iżvilupp tat-trasport pubbliku b’mod aktar preċiż; jinnota li hemm tendenza negattiva li l-investiment fit-trasport pubbliku jintrabat mal-espansjoni u ż-żieda fil-kapaċità tas-sistema tat-toroq. Minflok, għandha tingħata prijorità ċara lit-trasport pubbliku u kollettiv fil-forom kollha tiegħu. Kull meta t-trasport bil-ferrovija ma jkunx fattibbli, is-sistemi tat-trasport rapidu permezz tax-xarabank (BRT — Bus Rapid Transit) u l-korsiji għal vetturi b’okkupazzjoni għolja (HOV — high occupancy vehicle) għandhom jingħataw prijorità. Monitoraġġ u arranġamenti regolatorji adatti għandhom jillimitaw prattiki li jmorru kontra l-objettivi tal-politika tat-trasport sostenibbli;

17.

jirrimarka li mezzi tat-trasport li huma verament favur l-ambjent huma dawk li mhux biss inaqqsu l-emissjonijiet, iżda jiffrankaw l-ispazju, il-ħin u l-enerġija. Minbarra l-mixi u ċ-ċikliżmu, dawn jinkludu t-trasport ferrovjarju jew it-trasport rapidu permezz tax-xarabank (l-hekk imsejjaħ BRT — Bus Rapid Transit) u l-korsiji għal vetturi b’okkupazzjoni għolja (HOV — high occupancy vehicle). Din hija r-raġuni għaliex il-metros, it-trammijiet, u x-xarabanks b’emissjonijiet baxxi, b’mod partikolari t-trasport rapidu permezz tax-xarabank għandhom ikunu l-bażi tat-trasport pubbliku għaż-żoni metropolitani u l-bliet il-kbar;

Il-mobbiltà u t-trasport pubbliku bħala kompetenzi ewlenin tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

18.

ifakkar li ammont sinifikanti ta’ vjaġġar huwa dovut għall-fatt li mhux possibbli li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet kollha fil-postijiet fejn jgħixu n-nies. Għalhekk il-politika għandha timmira lejn l-aċċessibbiltà tat-tipi kollha ta’ oġġetti u servizzi, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-isport, il-kultura u l-appoġġ soċjali u mhux biss il-mobbiltà fiha nnifisha; jindika fl-istess ħin, in-natura fit-tul tal-bidliet spazjali, li jappoġġjaw rabtiet urbani-rurali li jiffunzjonaw tajjeb u li jevitaw id-depopolazzjoni taż-żoni rurali, kif ukoll il-ħtieġa li jittieħdu azzjonijiet korrettivi ad hoc fil-qasam tas-sistema tat-trasport;

19.

huwa tal-fehma li l-objettiv primarju tal-politika spazjali u tat-trasport għandu jkun li tiġi massimizzata l-possibbiltà li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet filwaqt li tiġi minimizzata l-ħtieġa għall-ivvjaġġar. Fil-pass li jmiss, l-għan għandu jkun li l-ivvjaġġar jiġi razzjonalizzat, b’mod partikolari permezz ta’ taħlita adatta tat-trasport, sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-ispejjeż esterni tat-trasport imġarrba mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; jenfasizza wkoll li ż-żieda fit-telexogħol, kif esperjenzat matul il-pandemija tal-COVID-19, tista’ tkun ta’ opportunità għaż-żoni rurali li joffru lill-ħaddiema aktar flessibbiltà fl-għażla tal-post ta’ residenza tagħhom;

20.

jinnota x-xejra l-ġdida lejn inqas ħtiġijiet ta’ mobbiltà ta’ kuljum fuq distanzi twal minħabba ż-żieda fit-telexogħol b’riżultat tal-kriżi tal-COVID-19, u li din ix-xejra tista’ tkun dejjiema flimkien mal-implimentazzjoni ta’ kunċetti bħal “15 minutes city”;

21.

ifakkar li n-networks tat-trasport pubbliku għandhom iqisu l-iżviluppi residenzjali ġodda jew il-mudelli ta’ insedjament emerġenti kemm jista’ jkun malajr u jipprovdu aċċessibbiltà sa mill-istadji bikrin, għaliex ladarba n-nies jixtru karozza dawn għandhom it-tendenza li jużawha; residenti ta’ proġetti ta’ abitazzjoni ġodda għandu jkollhom aċċess għal trasport pubbliku sa mill-ewwel persuna li tidħol toqgħod fid-djar il-ġodda;

22.

jenfasizza l-ħtieġa li tiġi limitata s-suburbanizzazzjoni, li qed tavvanza b’mod rapidu f’żoni periurbani sa ftit għexieren ta’ kilometri miċ-ċentri tal-bliet — u aktar ma tkun kbira ż-żona affettwata, aktar tkun akuta l-problema. Għalhekk huwa importanti li nerġgħu lura għal struttura ta’ insedjament ibbażata fuq densifikazzjoni u network ta’ ċentri fejn il-funzjonijiet ewlenin jkunu jinsabu f’ċentri fuq skala adatta, li jiġu indikati fl-ippjanar u jkunu konnessi permezz ta’ trasport pubbliku effiċjenti. Huwa importanti wkoll li l-iżvilupp ta’ djar ġodda jiġi ppjanat flimkien man-nodi tat-trasport pubbliku;

23.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipprovdi finanzjament mhux biss għall-investimenti l-ġodda fl-organizzazzjoni tat-trasport urban, iżda wkoll għall-konverżjoni ta’ soluzzjonijiet antikwati u ineffiċjenti. Dawn l-investimenti għandhom ikunu mmirati prinċipalment lejn il-modernizzazzjoni tas-sistemi ferrovjarji, is-sigurtà ferrovjarja u d-diġitalizzazzjoni, u b’hekk jinħolqu sistemi tat-trasport aktar rapidi, sikuri u aktar konvenjenti. Fl-istess ħin, l-investimenti proposti għandhom jinkludu aspetti bħar-rotot mingħajr kolliżjonijiet fil-bliet, toroq urbani adatti li jippermettu użu aktar effiċjenti tal-ispazju, tnaqqis tal-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar, żieda fl-ammont ta’ mezzi effiċjenti tat-trasport fit-taħlita tat-trasport u tnaqqis tal-ispejjeż esterni tat-trasport. Miżuri bħal dawn jiffavorixxu kemm l-għażla tat-trasport tal-massa kif ukoll mezzi tat-trasport alternattivi għall-karozzi individwali, u jnaqqsu l-illużjoni li l-ivvjaġġar bil-karozza mis-subborgi huwa irħis u faċli, peress li l-ispejjeż esterni tiegħu fil-fatt iħallsu għalihom l-abitanti tal-belt;

Taħlita adatta tat-trasport u internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni b’finanzjament garantit mill-fondi tal-UE fir-reġjuni

24.

jinnota li huwa neċessarju li jitqiesu l-possibbiltajiet biex jissaħħu l-investimenti fil-mobbiltà sostenibbli, pereżempju permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fond għall-Modernizzazzjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Huwa importanti wkoll li tiżdied il-mobbiltà permezz ta’ investiment fl-infrastruttura li ttejjeb l-aċċessibbiltà għan-nodi urbani fin-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u li dawn in-nodi jingħataw prijorità;

25.

jenfasizza l-importanza tal-isfida kruċjali li jiżdied is-sehem ta’ trasport li jirrispetta aktar l-ambjent, jiġifieri li jikkonsma inqas enerġija u spazju. Għalhekk, modi sostenibbli u innovattivi ta’ mobbiltà jistgħu jkunu parti integrali tar-riformi ppreżentati fi ħdan il-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Dan ifisser li għandu jsir użu xieraq tal-modi differenti ta’ trasport sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji u jiġu minimizzati l-ispejjeż għas-soċjetà, f’konformità mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”;

26.

jappella għall-ikkompletar tal-proċess tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tat-trasport, sabiex l-għażliet tal-utenti jkunu jistgħu jqisu wkoll il-benesseri tas-soċjetà. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-kunsiderazzjoni tal-ispejjeż reali tat-trasport bit-triq, li bħalissa huma sottovalutati b’mod sinifikanti. Bilanċ aħjar f’dan ir-rigward se jkun fattur importanti biex jiżdied l-użu ta’ trasport bl-inqas spejjeż esterni bħat-trasport ferrovjarju u t-trasport rapidu permezz tax-xarabank, li għandu jkun il-bażi għat-trasport pubbliku fiż-żoni metropolitani;

27.

jenfasizza li l-kompetittività tal-ispejjeż tat-trasport pubbliku għandha tiġi żgurata mill-perspettiva tal-passiġġieri. Peress li t-trasport bil-karozzi huwa l-akbar sors ta’ spejjeż esterni, l-attraenza tat-trasport pubbliku għandha tiġi żgurata permezz ta’ livell għoli biżżejjed ta’ sussidji pubbliċi, parzjalment iffinanzjati minn fondi li joriġinaw mill-internalizzazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport motorizzat privat;

28.

jenfasizza li l-ferroviji, li huma s-sinsla tal-mobbiltà reġjonali, jikkontribwixxu bil-kbir għall-koeżjoni territorjali. Jappella biex jiżdied l-investiment fin-nodi ferrovjarji urbani, l-integrazzjoni aħjar tagħhom fin-network TEN-T, it-titjib tal-konnessjonijiet transfruntiera u l-iżvilupp taċ-ċirkwit lokali (“last mile”) biex il-ferroviji jiġu integrati aħjar fil-ktajjen tal-mobbiltà urbana u suburbana (3).

29.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati wkoll modi ta’ trasport pubbliku sostenibbli oħra bħal xarabanks b’emissjonijiet baxxi, bħala mezz biex titnaqqas il-konġestjoni fil-bliet, jitnaqqsu l-emissjonijiet u jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li jingħataw inċentivi ekonomiċi għat-tiġdid tal-flotta, għall-adozzjoni ta’ teknoloġiji nodfa, u għall-investimenti fl-infrastruttura (pereżempju, korsiji għal xarabanks b’okkupazzjoni għolja f’żoni metropolitani, interkambji tat-trasport li jgħinu biex jiffaċilitaw it-trasferimenti, waqfiet għall-imbark u l-iżbark u parkeġġi park and ride, eċċ.)

30.

jappella li jiġi żgurat sehem akbar ta’ finanzjament għat-trasport pubbliku urban mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, użu aktar rapidu tagħhom u impatt akbar tal-finanzjament fil-livell reġjonali u lokali. Dawn il-miżuri se jaqdu rwol deċiżiv fl-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet operattivi u teknoloġiċi fil-livell urban u fl-iżgurar ta’ soluzzjonijiet sostenibbli u favur l-ambjent;

31.

jappella li jingħata appoġġ għall-mobbiltà urbana u l-konnessjoni aħjar tagħha mal-partijiet periurbani u rurali tar-reġjuni metropolitani, billi jinħolqu sistemi integrati tat-trasport pubbliku li jiffunzjonaw tajjeb, primarjament permezz tal-awtoritajiet reġjonali u l-programmi operattivi tagħhom fil-qafas finanzjarju li jmiss 2021-2027. L-esperjenza rikka, l-għarfien u l-kapaċità tal-awtoritajiet reġjonali għandhom jintużaw biex tiġi żgurata azzjoni koordinata, effettiva u effiċjenti;

32.

jappoġġja, f’dan ir-rigward, it-trasport pubbliku sostenibbli li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent biex ikun eliġibbli taħt l-objettiv speċifiku għal Ewropa aktar ekoloġika, b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, billi jiġu promossi t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ġusta, l-investiment ekoloġiku u blu, l-ekonomija ċirkolari, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju (“PO 2”) skont ir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni — il-proposta tal-Kummissjoni COM(2018) 372 final (kif emendata minn COM(2020)452 final), li se jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal-arja u t-tnaqqis tal-istorbju, u se jgħin b’mod sinifikanti lir-reġjuni metropolitani jiksbu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika;

Il-kwalità tas-servizz tat-trasport pubbliku u l-antiċipazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi u l-iżgurar tas-sigurtà f’każ ta’ theddid, inklużi l-pandemiji

33.

jirrimarka li sabiex it-trasport pubbliku jsir kompetittiv meta mqabbel mat-trasport motorizzat privat, jeħtieġ li jiġu żgurati standards ta’ kwalità għolja tat-trasport pubbliku. Fatturi b’rabta ma’ dan jinkludu: id-disponibbiltà spazjali, il-ħinijiet operattivi u l-frekwenza tas-servizz, il-puntwalità u l-affidabbiltà, il-kompetittività fir-rigward tal-ħin tal-ivvjaġġar, il-konnessjonijiet diretti jew it-trasferimenti effiċjenti, u l-kumdità u s-sigurtà tal-mezzi tat-trasport;

34.

jirrimarka li minħabba s-sitwazzjoni kritika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, ir-reġjuni metropolitani jistgħu jesperjenzaw treġġigħ lura tal-bidla lejn l-użu tat-trasport pubbliku. Iċ-ċittadini huma għal darb’oħra aktar ħerqana li jużaw il-karozzi u, f’ħafna każijiet, jivvjaġġaw lejn ix-xogħol u lura bħala vjaġġaturi waħedhom. Fl-istess ħin, ir-reġjuni metropolitani għandhom jinvestu riżorsi finanzjarji sinifikanti meta japplikaw miżuri iġjeniċi preventivi fil-vetturi tat-trasport pubbliku. Madankollu, l-ispejjeż ogħla ma rriżultawx f’aktar passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku u r-reġjuni metropolitani tilfu sehem kbir mill-prezz tal-biljetti. Fl-istess ħin ir-reġjuni metropolitani qed iħabbtu wiċċhom ma’ tnaqqis sostanzjali fil-baġits reġjonali tagħhom minħabba nuqqas ta’ finanzjament fis-settur pubbliku kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, il-baġits tar-reġjuni metropolitani jeħtieġ li jiġu kkumpensati u għandna nitgħallmu minn din l-esperjenza u niżviluppaw sistemi reżiljenti tat-trasport pubbliku, li jistgħu jkunu għażla ġusta fi żmien ta’ kriżi potenzjali fil-ġejjieni.

35.

jappella għall-użu tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta biex jappoġġja lill-bliet u liż-żoni metropolitani fil-bidla tagħhom lejn trasport pubbliku dekarbonizzat;

36.

jissuġġerixxi offerti konġunti ta’ akkwist pubbliku fl-UE kollha wkoll għal minibuses nodfa, użati għat-trasport ta’ persuni anzjani, persuni b’diżabbiltà u tfal tal-iskola, li jeħtieġu aktar soluzzjonijiet imfassla apposta. Dawn il-minibuses huma aktar għaljin għal kull kilometri tal-passiġġieri minn vetturi akbar u għandhom żminijiet itwal ta’ deprezzament iżda huma importanti għal network tat-trasport pubbliku kompletament nadif;

37.

jirrimarka li l-integrazzjoni spazjali, organizzattiva u tariffarja tat-trasport pubbliku hija kruċjali għall-effiċjenza tiegħu. Dan huwa partikolarment importanti f’żoni metropolitani, reġjuni bi bliet kapitali u agglomerazzjonijiet urbani akbar, fejn l-ivvjaġġar ilaqqa’ flimkien it-trasport urban, suburban u lokali mat-trasport nazzjonali u dak bl-ajru, iżda wkoll f’żoni rurali, fejn b’mod partikolari l-frekwenza tat-trasport pubbliku tista’ tkun ta’ sfida. L-integrazzjoni tfisser sistema komuni ta’ pprezzar u interoperabbiltà aħjar bejn kumpaniji differenti tat-trasport pubbliku li huma attivi fl-istess żona metropolitana, inklużi l-kumpaniji ferrovjarji. L-integrazzjoni tikkonċerna wkoll il-mobbiltà mhux motorizzata, il-faċilità ta’ aċċess għal stazzjonijiet tat-trasport pubbliku għal persuni li ma għandhomx vettura proprja bil-mutur u, fil-każ ta’ stazzjonijiet ferrovjarji f’żoni periurbani b’densità anqas ta’ bini, anke għat-trasport motorizzat privat;

38.

jenfasizza li għandna wkoll intejbu l-faċilitajiet tal-istazzjonijiet ferrovjarji u noħolqu ċentri ta’ mobbiltà intelliġenti, li jikkonsistu f’ċentri loġistiċi iżda wkoll f’postijiet fejn jiltaqgħu n-nies li joħolqu ambjent pjaċevoli kemm għall-bidla fil-mod tat-trasport kif ukoll għall-interazzjonijiet umani;

39.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħtieġa li jitħaffef l-iżvilupp tal-ħidma fuq kooperazzjoni fil-livell tal-UE dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar it-trasport pubbliku, b’kooperazzjoni mal-operaturi tat-trasport pubbliku. Għandu jkun aktar faċli li wieħed jippjana u jivvjaġġa bit-trasport pubbliku billi juża wkoll is-siti web tal-operaturi tat-trasport reġjonali individwali;

40.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mal-operaturi tat-trasport pubbliku, tistabbilixxi u tadotta qafas fl-Ewropa kollha li jippermetti l-użu effiċjenti tat-trasport pubbliku fil-bliet Ewropej. Jeħtieġ li jiġu kkunsidrati għażliet li jkunu sostenibbli fit-tul;

41.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li jiġi żviluppat, f’kooperazzjoni mal-operaturi tat-trasport pubbliku, qafas fl-Ewropa kollha biex il-biljetti ferrovjarji jkunu kkombinati mal-biljetti tat-trasport urban fil-bliet tat-tluq u tad-destinazzjoni (eż. permezz ta’ ħlas fiss). L-utenti japprofittaw ħafna minn pjattaforma unika jew app għall-apparati mobbli u sistema ta’ pagament. Soluzzjonijiet bħal dawn diġà jinsabu applikati f’diversi Stati Membri u l-introduzzjoni ta’ possibbiltà bħal din fl-Unjoni Ewropea kollha tiffaċilita l-ippjanar tal-vjaġġi;

42.

jappella li jkun hemm soluzzjoni sistemika għall-kwistjoni ta’ tariffi għaljin li l-operaturi tan-networks ferrovjarji jimponu bla ġustifikazzjoni fuq it-trasportaturi b’rabta mal-qsim tal-fruntieri nazzjonali fl-UE, li mbagħad jiġu mgħoddija lill-passiġġieri. Dawn it-tariffi m’għandhomx jaqbżu l-ispejjeż tekniċi attwali tal-bidla tan-network, jekk ikun hemm, u għandhom jitneħħew f’każ li ma jkunx hemm. Din hija waħda mill-kundizzjonijiet fundamentali biex l-ivvjaġġar ferrovjarju fuq distanzi twal jerġa’ jsir kompetittiv, li min-naħa tiegħu jippromovi żieda fl-użu tat-trasport pubbliku fil-bliet tad-destinazzjoni;

43.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati standards fl-Ewropa kollha għall-prevenzjoni u d-detezzjoni ta’ theddid speċifiku, inklużi pandemiji, u li jiġu żviluppati prattiki li jiżguraw li l-vjaġġaturi jkunu jistgħu jivvjaġġaw b’mod sikur jekk ikun hemm tali theddid. Jenħtieġ li jintużaw l-esperjenzi u l-eżempji ta’ miżuri ppruvati li ttieħdu f’ħafna reġjuni u bliet tal-UE biex jiġu miġġielda l-effetti tal-COVID-19, fil-ħidma li għaddejja dwar Strateġija Komprensiva għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti, li se tissostitwixxi l-White Paper — Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport — Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti (4).

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Konsultazzjoni pubblika dwar Strateġija ta’ Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti tinsab għaddejja bħalissa, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni (perjodu ta’ feedback sat-23/9/2020) (Ref. Ares(2020)3438177 – 01/07/2020): https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12438-Sustainable-and-Smart-Mobility-Strategy

(2)  Opinjoni KtR 1896/2019 (ĠU C 79, 10.3.2020, p. 8).

(3)  Opinjoni KtR 2633/2020 (ĠU C 440, 18.12.2020, p. 183).

(4)  Konsultazzjoni pubblika dwar Strateġija ta’ Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti tinsab għaddejja bħalissa, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni (perjodu ta’ feedback sat-23/9/2020) (Ref. Ares(2020)3438177 – 01/07/2020): https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12438-Sustainable-and-Smart-Mobility-Strategy


2.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/57


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tas-sħubija strateġika mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE

(2021/C 37/10)

Relatur:

Angel Victor TORRES PÉREZ (ES/PSE), President tal-Gvern tal-Gżejjer Kanarji

Dokument ta’ referenza:

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar sħubija strateġika aktar b’saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea

COM(2020) 104 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi, magħmulin minn tmien gżejjer u arċipelagi fil-Karibew, l-Oċean Indjan u l-Oċean Atlantiku, u reġjun iżolat fl-Amażonja, jinkludu sitt territorji Franċiżi extra-Ewropej (il-Guyana Franċiża, Guadeloupe, Martinique, Mayotte, Réunion u Saint-Martin), żewġ reġjuni awtonomi Portugiżi (l-Azores u Madeira) u komunità awtonoma Spanjola waħda (il-Gżejjer Kanarji); dawn jikkondividu għadd ta’ limitazzjonijiet permanenti minħabba li jinsabu ’l bogħod, huma iżolati u huma ta’ daqs żgħir, u dan iwaqqaf l-iżvilupp tagħhom;

2.

jilqa’ l-impenn tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-konfront tar-reġjuni ultraperiferiċi, rifless fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Sħubija strateġika aktar b’saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea”, tal-24 ta’ Ottubru 2017 (iktar ’il quddiem, “il-Komunikazzjoni”), irratifikat permezz tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali ta’ April 2018, li jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi, skont l-Artikolu 349 tat-TFUE;

3.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport intermedjarju (iktar ’il quddiem, “ir-Rapport”), ippubblikat f’Marzu 2020, li jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni;

4.

jiddispjaċih, madanakollu, li r-Rapport ma jikkostitwixxix valutazzjoni fil-fond tal-istrateġija għal dawn ir-reġjuni, u opportunità sabiex jiġi kkoreġut in-nuqqas ta’ xi miżuri ta’ politika essenzjali għall-iżvilupp tagħhom, bħall-politika ta’ koeżjoni u, b’mod partikolari, il-pilastru soċjali tal-UE;

5.

jirrikonoxxi l-ħtieġa li din l-istrateġija tiġi adattata fid-dawl tal-konsegwenzi serji kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, li kellhom impatt akbar fuq dawn it-territorji, minħabba li jiddependu b’mod qawwi mit-turiżmu u l-konnettività esterna, u fejn l-irkupru ekonomiku huwa previst li jdum aktar;

6.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġjat is-settur industrijali tar-reġjuni ultraperiferiċi fiċ-ċirkustanzi attwali, u r-rwol fundamentali ta’ qafas Ewropew adegwat għall-għajnuna mill-Istat u tal-istrumenti fiskali sabiex tingħata spinta lill-kompetittività tal-kumpaniji u jitrawwem il-ħolqien tal-impjiegi f’dawn ir-reġjuni;

7.

ifakkar li l-kwistjonijiet soċjali dejjem kienu fiċ-ċentru tal-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni ultraperiferiċi, aggravati mill-effetti devastanti tal-kriżi attwali fis-swieq tax-xogħol tagħhom, li jsaħħu l-ħtieġa li t-tkabbir u l-impjiegi jitpoġġew fil-qalba ta’ kull strateġija għal dawn ir-reġjuni. Ir-reġjuni ultraperiferiċi jeħtieġu orjentazzjoni ġdida li tinkludi dimensjoni soċjali msaħħa u l-identifikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi biex jittrattaw il-kuntest attwali;

8.

jilqa’ b’mod pożittiv l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li taħdem fi sħubija mar-reġjuni ultraperiferiċi u jenfasizza l-importanza tagħha minħabba d-diffikultajiet ta’ dawn ir-reġjuni biex jindirizzaw il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19;

9.

jenfasizza l-vulnerabbiltà tagħhom, li saret agħar minħabba l-pandemija, u jenfasizza l-ħtieġa li jintuża approċċ adatt fil-konfront tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-kuntest tal-pjan ta’ rkupru tal-UE, b’mod konsistenti maċ-ċirkustanzi u l-ħtiġijiet reġjonali;

10.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-iżvilupp tal-politika estera tal-UE u jitlob li l-impatt negattiv tal-Brexit fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi jiġi kkunsidrat fil-ftehim futur tal-UE mar-Renju Unit, minħabba l-impatti fuq dawn ir-reġjuni partikolarment vulnerabbli;

11.

jenfasizza li, fl-ambitu tar-REACT-EU, il-proġetti ffinanzjati fir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jiffaċċjaw l-isfidi tas-setturi l-aktar milquta mill-kriżi tal-COVID-19, bħal pereżempju s-settur tat-turiżmu, kif ukoll it-tisħiħ tal-investiment fis-setturi marbuta mal-konnettività, inkluża dik diġitali, mal-ekonomija ekoloġika u blu, kif ukoll l-investiment f’ħiliet u kapaċitajiet li jippermettu l-ħolqien ta’ impjiegi u l-adattament għall-bidliet ikkawżati mill-pandemija;

12.

jilqa’ b’mod favorevoli l-impenn li esprimiet il-Kummissjoni sabiex tagħti attenzjoni speċjali lir-reġjuni ultraperiferiċi fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, hija u tqis il-vulnerabbiltà tagħhom għat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali u l-assi uniċi tagħhom bħall-bijodiversità u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jittama li jiġu adottati miżuri speċifiċi għal dan il-għan;

13.

jirrakkomanda li jinżamm il-bilanċ li għandu jkun hemm bejn l-objettivi ambjentali u l-ispejjeż soċjali għoljin li r-reġjuni ultraperiferiċi jista’ jkollhom u li, fil-qafas tan-negozjati internazzjonali, il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-ispeċifiċità tar-reġjuni ultraperiferiċi u teskludi t-titjiriet bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u Stati Membri oħra tal-UE mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet; in-nuqqas ta’ eċċezzjonijiet għal dawn ir-reġjuni fil-pjani biex jinkludu kemm it-trasport marittimu kif ukoll dak bl-ajru fis-sistema għan-negozjar tal-emissjonijiet se jkollu impatt negattiv qawwi fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħhom;

14.

jilqa’ bi pjaċir is-sħubija msaħħa bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Konferenza tal-Presidenti tar-Reġjuni Ultraperiferiċi, li ppermettiet djalogu siewi u permanenti, permezz ta’ pjattaformi u gruppi ta’ ħidma speċifiċi li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ problemi, jipprovdu soluzzjonijiet u jfasslu strateġiji dwar l-adattament tal-politiki Ewropej fir-reġjuni ultraperiferiċi;

15.

jilqa’ l-fatt li l-governanza f’diversi livelli ppermettiet li parti kbira mill-proposti tal-Kummissjoni għall-perjodu 2021-2027 jinkludu karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi;

16.

jinnota, minħabba r-riżultati favorevoli miksuba, il-ħtieġa biex jitkompla d-djalogu msaħħaħ u kostanti bejn il-Kummissjoni Ewropea u r-reġjuni ultraperiferiċi fil-ħidma futura dwar it-tfassil ta’ politiki adegwati li jqisu r-realtà tar-reġjuni ultraperiferiċi;

17.

ifakkar fl-importanza li jiġi applikat l-approċċ imfassal apposta propost mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2017, minħabba l-fraġilità ta’ dawn it-territorji f’għadd ta’ setturi;

18.

ifakkar fil-ħtieġa li jinżamm l-istatus legali differenzjat tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, sabiex ikunu jistgħu jkomplu jintegraw b’mod ġust u bilanċjat fl-evoluzzjoni tal-UE;

Nibnu fuq l-assi tar-reġjuni ultraperiferiċi

Ekonomija blu

19.

ifakkar li l-ispazju marittimu tar-reġjuni ultraperiferiċi jirrappreżenta vantaġġ konsiderevoli għas-servizz tal-impjieg, l-attività ekonomika u l-iżvilupp li għandhom jiġu protetti u sfruttati;

20.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-istudju tal-Kummissjoni Ewropea Realising the potential of the Outermost Regions for sustainable blue growth (Nisfruttaw il-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi għal tkabbir sostenibbli blu) (mhux disponibbli bil-Malti) u l-inklużjoni tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Komunikazzjoni;

21.

jiġbed l-attenzjoni għall-Opinjoni tiegħu adottata fi Frar 2018, li fiha enfasizza l-ħtieġa li l-UE tipprovdi lir-reġjuni ultraperiferiċi b’aktar appoġġ finanzjarju għall-miżuri li għandhom l-għan li jiżviluppaw ir-riżorsi tal-baħar u marittimi tagħhom, u għal investimenti ambizzjużi, u fl-istess ħin jitqies il-potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi u l-protezzjoni tal-ekosistemi;

22.

iqis li t-tiġdid tal-flotta tas-sajd tar-reġjuni ultraperiferiċi għandu jkompli jkun limitat mill-implimentazzjoni tar-regolamenti Ewropej u huwa tal-fehma li jinħtieġ sforz addizzjonali biex tiġi żgurata koerenza akbar bejn il-linji gwida riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat għas-sajd u l-FEMS, b’tali mod li t-tiġdid tal-flotta tas-sajd tar-reġjuni ultraperiferiċi tista’ tkun eleġibbli taħt dan il-Fond;

23.

ifakkar li l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2019 dwar l-oċeani u l-ibħra jappellaw li jiġu protetti r-reġjuni ultraperiferiċi, minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom għat-tibdil fil-klima, filwaqt li tiġi enfasizzata l-importanza tal-politika marittima u tas-sajd għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi sostenibbli;

24.

jiddispjaċih li t-talbiet tar-reġjuni ultraperiferiċi dwar l-iskemi ta’ kumpens għal spejjeż addizzjonali ma ġewx ikkunsidrati u jappoġġja t-talba tagħhom għal applikazzjoni adattata u flessibbli tal-ammonti u l-arranġamenti ta’ applikazzjoni tagħhom;

L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

25.

ifakkar li l-agrikoltura hija settur vitali għall-ekonomija u l-impjieg tar-reġjuni ultraperiferiċi, kif rikonoxxut mill-UE fl-istabbiliment ta’ trattament speċifiku permezz tal-POSEI u jenfasizza l-kontribut u l-valur miżjud ta’ dan is-settur matul il-kriżi tal-COVID-19, li jikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-awtosuffiċjenza alimentari, jiġu promossi l-katini qosra ta’ provvista u tiġi indirizzata d-domanda qawwija tal-popolazzjoni;

26.

jargumenta favur li jinżammu l-eċċezzjonijiet speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi fl-ewwel pilastru tal-PAK, b’mod partikolari, id-diżakkoppjament u s-sistema ta’ tnaqqis tal-għajnuna;

27.

jiddispjaċih, madanakollu li, fil-qafas tal-FAEŻR, il-proposta tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali naqqset il-kofinanzjament għar-reġjuni ultraperiferiċi;

28.

josserva li l-kriżi tal-COVID-19 qajmet problema serja għad-distribuzzjoni tal-ikel fir-reġjuni ultraperiferiċi; jirrifjuta l-idea li fil-perjodu finanzjarju futur l-allokazzjoni baġitarja tal-PAK għal dawn ir-reġjuni titnaqqas, u jitlob għall-istabbiliment tal-allokazzjonijiet attwali tal-POSEI;

29.

ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea li fil-ftehimiet kummerċjali negozjati ma’ pajjiżi terzi għandha tinkludi kapitolu speċifiku għal kull każ ta’ interess partikolari għar-reġjuni ultarperiferiċi;

30.

jappoġġja r-reġjuni ultarperiferiċi fit-talba tagħhom biex jestendu l-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet bilaterali ta’ importazzjoni tal-banana ffirmati mal-pajjiżi Andini u tal-Amerka Ċentrali wara l-2020, u biex jagħmluhom joperaw b’mod awtomatiku meta wieħed minn dawn il-pajjiżi jaqbeż il-limitu allokat lilu;

Il-bijodiversità

31.

jilqa’ b’sodisfazzjon li l-Patt Ekoloġiku tal-Kummissjoni jirrikonoxxi l-valur għoli tal-bijodiversità unika tar-reġjuni ultraperiferiċi u t-theddid tat-tibdil fil-klima bħala wieħed mill-fatturi ewlenin tat-telfien tal-bijodiversità;

32.

jilqa’ b’mod pożittiv l-inklużjoni ta’ sejħiet speċifiċi fil-programm LIFE 2014-2020 għall-preservazzjoni, il-konservazzjoni u t-tisħiħ tal-bijodiversità u l-adattament għat-tibdil fil-klima tar-reġjuni ultraperiferiċi;

L-ekonomija ċirkolari

33.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-miżuri tagħha dwar l-ekonomija ċirkolari tqis il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, ikkaratterizzati mill-iżolament tagħhom, mid-distanza u minħabba li jiffaċċjaw pressjoni qawwija minħabba l-mudelli ekonomiċi tagħhom ibbażati prinċipalment fuq it-turiżmu;

34.

jittama li pjattaforma ad hoc tippermetti l-iżvilupp ta’ miżuri adattati biex jikkontrollaw id-dħul u l-ħruġ tal-iskart fir-reġjuni ultarperiferiċi, u b’hekk tikkontribwixxi għal ġestjoni adegwata tal-iskart u tappoġġja l-għan ta’ dawn ir-reġjuni li jinbidlu f’reġjuni ta’ “skart żero”;

35.

jirrikonoxxi l-kumplessità u l-ispejjeż għoljin tal-ġestjoni tal-iskart fir-reġjuni ultraperiferiċi u l-ħtieġa li jiġu appoġġjati investimenti f’termini ta’ infrastruttura, inkluż permezz tal-FEŻR, biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari;

It-tibdil fil-klima

36.

jappoġġja l-impenn tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-konfront tal-għanijiet tal-UE li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 u jfakkar fil-vulnerabbiltà ta’ dawn ir-reġjuni għat-tibdil fil-klima;

37.

jifhem li l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew huma konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni, jilqa’ l-aċċenn speċifiku għalihom u jittama li din ir-referenza tikkostitwixxi spinta favur it-tranżizzjoni ġusta tar-reġjuni ultraperiferiċi lejn ekonomija newtrali;

38.

jitlob li kwalunkwe miżura fil-qasam tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju tiġi evalwata u indirizzata b’mod globali, li tfittex bilanċ ġust bejn l-imperattiv ambjentali u l-ħtieġa taċ-ċittadini fdak li jirrigwarda l-aċċessibbiltà u ż-żamma tal-ekonomija tagħhom;

39.

jinnota l-ħtieġa għal adattament aħjar tal-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta u l-inklużjoni tar-realtà tal-ultraperiferija fil-viżjoni strateġika fit-tul tal-adattament għat-tibdil fil-klima tal-UE;

It-tranżizzjoni tal-enerġija

40.

jilqa’ l-miżuri favur ir-reġjuni ultraperiferiċi miġbura fid-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli u l-inizjattiva dwar l-enerġija nadifa għall-gżejjer Ewropej, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tkompli taħdem f’dan ir-rigward;

41.

ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi huma l-uniċi reġjuni li jiddependu mill-fjuwils fossili, b’sistemi ta’ enerġija iżolati li ma jistgħux jiġu interkonnessi mal-grilji Ewropej u jiddispjaċih li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) mhix adattata għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom; huwa tal-fehma li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jiġu inklużi fil-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta u jibbenefikaw minn miżuri li jappoġġjaw it-tranżizzjoni tal-enerġija tagħhom lejn karburanti nodfa;

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

42.

japprezza l-impenn tal-Kummissjoni fil-konfront tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-qasam tal-innovazzjoni, biex tenfasizza l-potenzjal tagħhom bħala laboratorji għall-ittestjar ta’ soluzzjonijiet innovattivi bħala mezz biex tinkiseb l-eċċellenza u biex jissaħħu l-katini ta’ valur;

43.

jilqa’ l-bidu ta’ azzjoni speċifika ta’ koordinazzjoni u appoġġ fil-programm kurrenti Orizzont 2020 immirat għar-reġjuni ultraperiferiċi u jirrimarka l-ħtieġa li jitqiesu l-konklużjonijiet tal-azzjoni ta’ tħejjija FORWARD meta jitfasslu l-programmi qafas I+D+i fil-futur, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni;

L-affarijiet soċjali, l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ

44.

huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra r-reġjuni ultraperiferiċi fl-inizjattivi li se tippreżenta fil-qafas tal-pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, billi tippromovi opportunitajiet indaqs, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali;

45.

jenfasizza l-impatt enormi li l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 qed ikollha fuq l-impjieg fir-reġjuni ultraperiferiċi, li wasslet għal żieda sinifikanti tal-livelli ta’ faqar, minħabba t-telf tal-attività ekonomika u t-tnaqqis tal-introjtu f’setturi fundamentali, u l-ħtieġa li jitkomplew jissaħħu l-istrumenti speċifiċi li jappoġġjaw il-ħolqien ta’ niċeċ ġodda ta’ attività u ż-żamma tal-impjiegi fis-setturi tradizzjonali;

46.

jitlob li jittieħdu miżuri mmirati biex tiżdied il-parteċipazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-azzjonijiet kollha tal-programm Erasmus + u biex tiġi promossa l-kooperazzjoni u l-iskambji ta’ mobilità bejn in-nies u l-organizzazzjonijiet f’dawn ir-reġjuni u l-pajjiżi terzi, b’mod speċjali l-ġirien tagħhom;

47.

jistenna li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa fl-għoti tal-għajnuna meta sitwazzjoni ta’ ristrutturar importanti jkollha impatt sinifikanti fuq l-ekonomija ta’ dawn ir-reġjuni;

L-aċċess għall-kompetittività, l-intraprenditorija u l-integrazzjoni fis-suq uniku

48.

iwissi dwar l-impatt enormi li l-kriżi attwali kellha fuq l-aċċessibbiltà bl-ajru f’dawn it-territorji mbiegħda u dwar il-ħtieġa li tinżamm il-konnettività fil-livelli ta’ qabel il-kriżi, peress li huma dipendenti għalkollox mit-trasport marittimu u bl-ajru;

49.

iħeġġeġ li d-distanza, l-iżolament ġeografiku u t-tixrid territorjali tar-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jitqiesu fit-tfassil, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki mmirati biex jitnaqqas l-iżvantaġġ ta’ aċċessibbiltà fiżika u diġitali mas-suq tal-UE u wkoll fil-livell intra u interreġjonali;

50.

josserva li l-aċċessibbiltà bl-ajru hija wkoll element essenzjali għall-kompetittività tas-settur tat-turiżmu, l-ixprun ekonomiku ewlieni ta’ ħafna minn dawn ir-reġjuni u li qed issofri b’mod speċjali l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID 19, u għalhekk huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis dan l-aspett meta tiddefinixxi l-politiki mmirati għat-titjib tal-aċċessibbiltà fiżika tar-reġjuni ultraperiferiċi;

51.

jilqa’ b’mod pożittiv l-implimentazzjoni tal-istudju dwar il-ħtiġijiet tal-konnettività tar-reġjuni ultraperiferiċi u li l-Kummissjoni qieset l-iżvantaġġ tagħhom u d-dipendenza tagħhom mill-portijiet u l-ajruporti, billi tipproponi miżuri fil-qafas tal-FEŻR u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; huwa tal-fehma, madanakollu, li dawn il-miżuri mhumiex biżżejjed u li jeħtieġ li l-politika tat-trasport tiġi adattata għar-realtà tar-reġjuni ultraperiferiċi;

52.

jenfasizza l-importanza tal-investimenti biex tiġi limitata l-konġestjoni fin-nodi urbani u jiġu ffaċilitati l-mezzi sostenibbli tat-trasport bit-triq;

53.

jemmen li jkun utli li tiġi kkunsidrata għajnuna fil-qafas tal-FNE għall-implimentazzjoni ta’ networks ewlenin, inklużi kejbils ta’ taħt il-baħar, għall-konnessjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Istati Membri tagħhom, bejniethom u bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi;

L-inklużjoni reġjonali fl-ispazji ġeografiċi tagħhom

54.

ifakkar lill-Kummissjoni li l-inklużjoni reġjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-ispazji ġeografiċi rispettivi tagħhom tkompli tkun objettiv prijoritarju u li l-programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea huma strument fundamentali biex tintlaħaq, u għalhekk huwa essenzjali li jinżamm l-isforz finanzjarju mmirat lejn dawn il-programmi, kif ukoll l-iżvilupp operazzjonali tal-komponent il-ġdid tar-reġjuni ultraperiferiċi, mingħajr ma jiġi limitat, madanakollu, l-aċċess ta’ dawn ir-reġjuni għall-komponenti l-oħra u għall-allokazzjonijiet finanzjarji tagħhom;

55.

jiddispjaċih għat-tnaqqis fir-rata ta’ kofinanzjament fl-Ewropa għar-reġjuni ultraperiferiċi fil-qafas tar-Regolament CTE-Interreg għall-perjodu 2021-2027. Dan jikkontradixxi l-importanza strateġika mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea sa mill-2004 sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni reġjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi fiż-żoni ġeografiċi tagħhom;

56.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tal-programm tagħha Interreg, tappoġġja proġetti strateġiċi komuni ta’ kooperazzjoni li jinvolvu r-reġjuni ultraperiferiċi kollha;

57.

ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn tagħha li timplimenta soluzzjoni speċifika, sempliċi u ċara li tippermetti programmazzjoni konġunta tal-FEŻR u tal-istrumenti finanzjarji tal-pajjiżi terzi ġirien. Jiddispjaċih li din is-soluzzjoni speċifika għadha ma ġietx definita, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex finalment issolvi din il-kwistjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027;

Il-migrazzjoni

58.

jenfasizza li r-reġjuni ultraperiferiċi, fost affarijiet oħra, jinsabu fuq quddiem nett fid-dħul tal-immigranti irregolari mill-viċinat immedjat tagħhom u jwissi dwar l-impatt kbir li l-ġestjoni tal-flussi migratorji għandha fuq il-politiki pubbliċi kollha tagħhom, speċjalment fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ akkoljenza jew minorenni mhux akkumpanjati;

59.

ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni biex tappoġġja r-reġjuni ultraperiferiċi bil-għan li tiġi ġestita l-problema tal-migrazzjoni b’mod sostenibbli u jħeġġeġ li jiġu previsti miżuri speċifiċi permezz tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil għall-perjodu finanzjarju 2021-2027;

Konklużjonijiet

60.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex iqisu r-reġjuni ultraperiferiċi fid-diskussjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa u fl-iżvilupp tal-politiki Ewropej futuri, li jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Artikolu 349 tat-TFUE.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS