ISSN 1977-0987 |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 424A |
|
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 63 |
Werrej |
Paġna |
|
|
V Avviżi |
|
|
PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI |
|
|
L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti |
|
2020/C 424 A/01 |
MT |
|
V Avviżi
PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI
L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti
8.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 424/1 |
SEJĦA GĦAL ESPRESSJONI TA’ INTERESS FIL-ĦATRA BĦALA PRESIDENT SUPPLENTI TAL-BORD TAL-APPELL TAL-UFFIĊĊJU KOMUNITARJU TAL-VARJETAJIET TAL-PJANTI
(2020/C 424 A/01)
DESKRIZZJONI TAL-UFFIĊĊJU U TAL-BORD TAL-APPELL TIEGĦU
L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “is-CPVO” jew “l-Uffiċċju”) huwa Aġenzija indipendenti tal-UE, stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità (1). Is-CPVO huwa Aġenzija tal-UE b’personalità ġuridika, responsabbli għall-ġestjoni tas-sistema Komunitarja tad-drittijiet tal-varjetajiet tal-pjanti. Din is-sistema tipprovdi protezzjoni bi dritt ta’ proprjetà intellettwali għal varjetajiet ta' pjanti ġodda fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Il-missjoni tas-CPVO hija li jwassal u jippromwovi sistema effiċjenti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li tappoġġa l-ħolqien ta’ varjetajiet ġodda ta’ pjanti għall-benefiċċju tas-soċjetà.
L-Uffiċċju jinsab f’Angers, Franza. Għandu madwar 50 membru tal-persunal u baġit ta’ madwar EUR 20 miljun fis-sena, iffinanzjat prinċipalment mir-rikavat tad-diversi tariffi li jimponi.
Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit web li ġej: http://www.cpvo.europa.eu.
Ir-Regolament (KE) Nru 2100/94 imsemmi hawn fuq jipprevedi l-istabbiliment ta’ Bord tal-Appell wieħed jew aktar fi ħdan l-Uffiċċju. Bord tal-Appell jiġi stabbilit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2009 (2) u huwa responsabbli biex jiddeċiedi dwar appelli kontra deċiżjonijiet tal-Uffiċċju, li jikkonċernaw, fost l-oħrajn, l-għoti jew iċ-ċaħda ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti, oġġezzjonijiet għall-għoti ta’ drittijiet, in-nullità jew il-kanċellazzjoni ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti jew l-għoti jew iċ-ċaħda ta’ liċenzji obbligatorji.
Il-Bord tal-Appell jikkonsisti minn President, żewġ membri oħra u s-supplenti rispettivi tagħhom. Meta l-Bord tal-Appell iqis li n-natura tal-appell tkun teħtieġ hekk, dan jista’ jsejjaħ sa żewġ membri oħra.
DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET
Is-CPVO qiegħed ifittex President Supplenti tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju. Fin-nuqqas tal-President, is-supplenti tiegħu għandu jwettaq il-kompiti tal-President.
F’dawk is-sitwazzjonijiet, il-President Supplenti għandu:
— |
jagħżel għal kull każ il-membri l-oħrajn tal-Bord tal-Appell u s-supplenti rispettivi tagħhom minn lista ta’ membri kkwalifikati stabbilita mill-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju; |
— |
imexxi l-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju u jeżerċita s-setgħat mogħtija lill-President bir-Regolament (KE) Nru 2100/94. |
Il-President Supplenti tal-Bord tal-Appell għandu jkun indipendenti. Fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, ma għandu jkun marbut bl-ebda struzzjoni.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Bord tal-Appell ara: http://www.cpvo.europa.eu/main/en/home/community-plant-variety-rights/board-of-appeal
ĦATRA
Il-mandat attwali tal-President Supplenti tal-Bord tal-Appell jintemm fl-14 ta’ Ottubru 2021. Skont it-termini tar-Regolament (KE) Nru 2100/94, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi dwar il-ħatra ta’ Supplenti tal-President abbażi ta’ lista ta’ kandidati, li għandha tkun proposta mill-Kummissjoni Ewropea wara li tkun kisbet l-opinjoni tal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti.
L-għan ta’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess huwa li l-Kummissjoni tkun tista’ tfassal lista qasira ta’ kandidati għall-funzjoni ta’ President Supplenti tal-Bord tal-Appell biex imbagħad tippreżentaha lill-Kunsill. Il-kandidati jenħtieġu li jinnotaw li l-inklużjoni fil-lista ma tiggarantix il-ħatra.
Il-Kummissjoni Ewropea se tistabbilixxi bord tal-għażla li se jistieden lill-applikanti bl-aħjar profil għar-rekwiżiti speċifiċi tal-kariga għal intervista, magħżula abbażi tal-merti tagħhom u tal-kriterji stabbiliti hawn taħt. Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni Ewropea se tadotta lista ta’ kandidati li se tiġi ppreżentata lill-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju għal opinjoni, qabel ma din tiġi kkomunikata lill-Kunsill. Il-kandidati jistgħu jissejħu għal intervista mal-Kummissarju rilevanti.
Il-mandat għandu jkun ta’ ħames snin. Dan se jkun jista’ jiġġedded skont ir-Regolament (KE) Nru 2100/94.
REKWIŻITI
— |
Il-kandidat irid ikun ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE. |
— |
Il-kandidat ma għandu jwettaq ebda dmir ieħor fl-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti. |
— |
Il-kandidat irid ikollu għarfien tajjeb ħafna tal-Ingliż (3). L-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-UE jkun ta’ vantaġġ. |
— |
Il-kandidat irid ikollu wkoll:
|
KUNDIZZJONIJIET TAL-IMPJIEG
Fin-nuqqas tal-President, il-President Supplenti se jkun mistenni li jkun disponibbli fuq bażi part-time, biex jittratta l-każijiet ta’ appell meta dawn jinqalgħu. Il-President Supplenti mhuwiex meħtieġ jissospendi l-attivitajiet professjonali attwali tiegħu/tagħha, iżda kwalunkwe attività bħal din trid tkun kompatibbli mar-rekwiżiti li l-membri tal-Bord tal-Appell għandhom ikunu indipendenti. Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolamenti tal-Persunal”) ma japplikawx għall-President, għall-President Supplenti u għall-membri tal-Bord tal-Appell (l-Artikoli 31 u 47 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94) li ma jkunux diġà impjegati bħala aġenti tal-Unjoni Ewropea.
Il-President Supplenti se jkun meħtieġ jiddikjara kwalunkwe interess, li jista’ jkun f’kunflitt mad-dmir tiegħu/tagħha lejn il-Bord tal-Appell.
Il-President Supplenti mistenni jkun disponibbli għal dawn id-dmirijiet mill-inqas 10 jiem/sena kalendarja.
B’deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv tas-CPVO tad-19 ta’ Settembru 2019:
1. |
L-aġenti tal-UE f’servizz attiv fi ħdan Istituzzjoni, Aġenzija, Korp jew Awtorità tal-UE li jinħatru biex jaġixxu fuq il-Bord tal-Appell tas-CPVO mhumiex permessi jirċievu remunerazzjoni minn Istituzzjonijiet oħra tal-UE, għajr rimborż tal-kostijiet tal-missjonijiet, skont ir-Regolamenti tal-Persunal. Għal dan il-għan, huwa xieraq li l-inkarigu ta’ servizz fuq il-Bord tal-Appell tas-CPVO bħala President Supplenti jiġi miftiehem mal-Istituzzjoni jew mal-Aġenzija tal-UE tagħhom. |
2. |
Is-CPVO jista’ jidħol fi ftehim dwar il-livell ta’ servizz (FLS) jew f’Memorandum ta’ Qbil (MtQ) ma’ Istituzzjoni tal-UE jew ma’ Aġenzija tal-UE biex jirregola l-kundizzjonijiet rigward il-kostijiet (inkluż il-kostijiet tal-missjonijiet) biex il-persunal tiegħu jservi fil-Bord tal-Appell tas-CPVO. |
Ir-remunerazzjoni tal-President Supplenti tal-Bord tal-Appell, li mhuwiex impjegat tal-UE, hija kif ġej:
— |
Remunerazzjoni għal kull jum reali ta’ xogħol (1 jum/8 sigħat): 500 (f’EUR) |
— |
Remunerazzjoni massima għal kull appell: 7 500 (f’EUR). |
Minbarra r-remunerazzjoni msemmija, il-President Supplenti tal-Bord tal-Appell se jirċievi:
a. |
L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-għajxien skont l-aktar Regoli reċenti rigward ir-rimborż ta’ esperti li jattendu l-laqgħat tas-CPVO jew li jivvjaġġaw f’isem is-CPVO għal laqgħat. |
b. |
Ġurnata waħda addizzjonali ta’ xogħol għall-ħin tal-ivvjaġġar lejn u minn Angers, dment li s-smigħ orali jsir tabilħaqq u l-ħin tal-ivvjaġġar ikun itwal minn siegħa. F’każ li jiġu eżaminati diversi każijiet mill-Bord tal-Appell tul jum wieħed jew tul diversi jiem konsekuttivi, jingħata jum addizzjonali għall-ħin tal-ivvjaġġar biss. |
Is-seduti tal-Bord tal-Appell isiru fis-sede tas-CPVO f’Angers, Franza, jew b’mod virtwali.
OPPORTUNITAJIET INDAQS
Il-Kummissjoni Ewropea u s-CPVO japplikaw politika ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ nondiskriminazzjoni f’konformità mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal (5).
APPLIKAZZJONIJIET
Qabel tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, jenħtieġ li tivverifika b’attenzjoni jekk tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà kollha, b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi ta’ diplomi, l-esperjenza professjonali ta’ livell għoli kif ukoll il-kapaċità lingwistika meħtieġa. Jekk ma tissodisfax xi wieħed mir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà, dan ikun ifisser li se tiġi eskluż/a awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.
Jekk trid tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet fuq is-sit web li ġej u ssegwi l-istruzzjonijiet li jirrigwardaw id-diversi stadji tal-proċedura:
https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/
Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan se jintuża biex tiġi kkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jibqa’ jsir kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura. Għaldaqstant nitolbuk iżżomm lill-Kummissjoni Ewropea informata bi kwalunkwe bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.
Biex timla l-applikazzjoni tiegħek, trid ittella’ CV f’format PDF u timla ittra ta’ motivazzjoni online (massimu ta’ 8 000 karattru). Is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Ladarba tkun lestejt ir-reġistrazzjoni online tiegħek, se tirċievi ittra elettronika li tikkonferma r-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tiegħek. Jekk ma tirċevix ittra elettronika ta’ konferma, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!
Jekk jogħġbok innota li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Se tiġi kkuntattjat/a direttament mill-Kummissjoni Ewropea rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.
Jekk teħtieġ iktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi jekk jogħġbok ibgħat email lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu
Għal raġunijiet ta’ funzjonalità u sabiex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll tal-istituzzjonijiet, il-proċedura tal-għażla se ssir bl-Ingliż (6).
DATA TAL-GĦELUQ
Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hi d-19 ta’ Jannar 2021. Ir-reġistrazzjoni online mhux se tkun possibbli wara nofsinhar (12.00) ħin ta’ Brussell.
Hija r-responsabbiltà tiegħek li timla r-reġistrazzjoni online tiegħek fil-ħin. Nagħtuk parir li ma tħallix għall-aħħar jiem biex tapplika, peress li t-traffiku tal-internet qawwi jew xi problema fil-konnessjoni tal-internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tintemm qabel ma tkun lestejtha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista’ ddaħħal iktar data. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.
INFORMAZZJONI IMPORTANTI GĦALL-APPLIKANTI
Infakkru lill-applikanti li x-xogħol tal-kumitati tal-għażla huwa kunfidenzjali. Huwa pprojbit li l-applikanti jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri ta’ dawn il-kumitati jew li xi ħadd ieħor jagħmel dan f’isimhom. Il-mistoqsijiet kollha jridu jiġu indirizzati lis-segretarjat tal-bord rilevanti.
PROTEZZJONI TA’ DATA PERSONALI
Il-Kummissjoni se tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif jeżiġi r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2009 tas-17 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (ĠU L 251, 24.9.2009, p. 3).
(3) Il-bord tal-għażla se jiżgura li ma jingħata ebda vantaġġ mhux dovut lill-kelliema nattivi
(4) L-esperjenza professjonali titqies biss jekk tkun tirrappreżenta relazzjoni ta’ ħidma konkreta li tkun iddefinita bħala ħidma reali, ġenwina, bi ħlas u bħala impjegat (kull tip ta’ kuntratt) jew fornitur ta’ servizz. L-attivitajiet professjonali li jkunu saru fuq bażi part-time għandhom jiġu kkalkulati prorata, abbażi tal-perċentwal iċċertifikat ta’ sigħat full-time li jkunu nħadmu. Il-liv tal-maternità / tal-ġenituri / għall-adozzjoni jitqies jekk ikun fil-qafas ta’ kuntratt ta’ xogħol. Id-dottorati (PhDs) jiġu assimilati mal-esperjenza professjonali, anki meta mhux bi ħlas, iżda għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin, dment li d-dottorat ikun tlesta b’suċċess. Perjodu partikolari jista’ jingħadd darba biss.
(5) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20140701&from=MT
(6) Il-bord tal-għażla se jiżgura li ma jingħata ebda vantaġġ mhux xieraq lill-kelliema nattivi.
(7) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data. Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u għas-sigurtà ta’ din id-data u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).