ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 344A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
16 ta' Ottubru 2020


Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 344 A/01

Segretarjat Ġenerali — Pubblikazzjoni ta' post vakanti għall-kariga ta' Membru tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fil-grad AD 14 (Konsulent Prinċipali) — (Impjegar ta’ Aġent Temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra) — COM/2020/10396

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

16.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 344/1


Segretarjat Ġenerali

Pubblikazzjoni ta' post vakanti għall-kariga ta' Membru tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fil-grad AD 14 (Konsulent Prinċipali)

(Impjegar ta’ Aġent Temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra)

COM/2020/10396

(2020/C 344 A/01)

 

Min aħna

Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (Regulatory Scrutiny Board – RSB) ġie stabbilit fl-2015 b’Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea (1) kif emendata l-aħħar fl-2020 (2). L-RSB jikkontribwixxi għall-Politika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni Ewropea billi jiskrutinizza l-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt, l-evalwazzjonijiet ex post, il-kontrolli tal-idoneità u joħroġ opinjonijiet dwar l-abbozzi ta’ rapporti relatati. It-testi ppreżentati lill-RSB fil-biċċa l-kbira huma abbozzati u diskussi bl-Ingliż.

L-RSB għandu sitt membri u president. Il-membri tal-RSB jaħdmu full-time mal-RSB. Tliet membri tal-RSB jiġu reklutati minn barra s-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea filwaqt li t-tlieta l-oħra jintgħażlu u jinħatru minn ħdan il-Kummissjoni Ewropea. Il-membri esterni tal-Bord jiġu magħżula fuq il-bażi tal-għarfien akkademiku espert tagħhom evidenzjat fil-valutazzjoni tal-impatt, l-evalwazzjoni ex post, u l-politika regolatorja b'mod ġenerali, fejn ikopru l-makroekonomija, il-mikroekonomija u l-politiki soċjali u ambjentali.

Il-membri kollha tal-RSB jaħdmu full-time mal-Bord u jservu għal perjodu li ma jiġix estiż ta’ tliet snin. Dak il-perjodu jista’ jiġi estiż b’mod eċċezzjonali sa sena fejn meħtieġ biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonament tal-Bord, il-kompożizzjoni bbilanċjata tiegħu bejn il-membri interni u esterni jew il-kapaċità sħiħa tiegħu fi żminijiet ta’ ammont ta’ xogħol eċċezzjonalment għoli. Il-membri kollha tal-RSB huma marbuta b’mod amministrattiv mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea. Huma soġġetti għall-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS) (3) u l-Kodiċi tal-Kummissjoni Ewropea dwar imġiba amministrattiva tajba. Dawn jistabbilixxu regoli stretti dwar l-etika, il-kunfidenzjalità u l-kunflitt ta' interess li huma partikolarment rilevanti u importanti b'rabta mal-attivitajiet tal-RSB. F’konformità mas-CEOS, il-membri tal-Bord jistgħu jippubblikaw dokumenti matul id-delega sakemm dan ma jinterferix mal-mandat tiegħu jew tagħha.

X’qegħdin nipproponu

Pożizzjoni impenjattiva bħala Membru tal-Bord ta' Skrutinju Regolatorju b'doveri speċifiċi li:

Jivvaluta l-kwalità tar-rapporti ppreżentati dwar l-evalwazzjonijiet u l-kontrolli tal-idoneità ta’ politiki eżistenti u l-valutazzjonijiet tal-impatt imħejjija b’appoġġ għal inizjattivi politiċi ġodda tal-Kummissjoni;

Jikkontribwixxi għat-tħejjija ta’ opinjonijiet dwar valutazzjonijiet tal-impatt, rapporti ta’ evalwazzjoni u kontroll tal-idoneità u rakkomandazzjonijiet sottomessi dwar kif għandhom jittejbu;

Taħt il-gwida tal-president, joffri pariri lis-servizzi individwali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-linji gwida rilevanti f'valutazzjonijiet/evalwazzjonijiet partikolarment diffiċli u dwar kwistjonijiet ta' metodoloġija, meta rilevanti.

X’qegħdin infittxu (il-kriterji tal-għażla)

Il-kandidat ideali jkun professjonist dinamiku u li jispikka li jenħtieġ li jissodisfa l-kriterji tal-għażla li ġejjin:

Kwalitajiet Personali

Ħiliet ta’ komunikazzjoni orali u bil-miktub eċċellenti sabiex jikkoordina, jikkomunika u jikkoopera b’mod effiċjenti u mexxej mal-partijiet ikkonċernati interni u esterni kif ukoll biex jirrappreżenta lill-Kummissjoni f’fora esterni.

Ħiliet tekniċi u esperjenza

Għarfien u kompetenza ppruvati fil-qasam tal-politika regolatorja, il-proċessi u l-metodoloġiji tal-valutazzjoni tal-impatt jew tal-evalwazzjoni ex post, kif ippruvat b'rekord akkademiku sod li jintwera, b'mod partikolari, permezz ta' pubblikazzjonijiet rilevanti;

Għarfien tajjeb ħafna tal-politiki tal-UE u tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, inkluża l-politika tal-Kummissjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar;

Għarfien espert speċifiku f'wieħed jew aktar mill-oqsma li ġejjin: Il-makroekonomija; Il-mikroekonomija; Il-Politika Soċjali; u l-Politika Ambjentali;

Ħiliet ta’ konsulenza/livell għoli fil-Maniġment

Ħiliet analitiċi b'saħħithom b'kapaċità tajba ħafna għal riflessjoni strateġika;

Ħiliet ta’ koordinazzjoni tajbin ħafna;

Il-kandidat magħżul għandu jkollu, jew ikun f’pożizzjoni li jikseb, ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà mingħand l-awtorità tas-sigurtà nazzjonali tiegħu. Approvazzjoni tas-sigurtà personali hija deċiżjoni amministrattiva wara proċess ta’ investigazzjoni tas-sigurtà mwettaq mill-awtorità nazzjonali kompetenti tas-sigurtà tal-individwu, skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli tas-sigurtà, u li tiċċertifika li individwu jkun jista’ jingħata aċċess għal informazzjoni klassifikata sa livell speċifikat. (Kun af li jista’ jingħata bidu għall-proċedura meħtieġa biex tinkiseb approvazzjoni tas-sigurtà biss wara li ssir talba mill-impjegatur, u mhux mill-kandidat individwali).

Il-kandidati jridu (il-kriterji tal-eliġibbiltà)

Il-kandidati jiġu kkunsidrati għall-fażi tal-għażla abbażi tar-rekwiżiti formali li ġejjin, li jridu jiġu ssodisfati sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

Ċittadinanza: il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

Grad jew diploma minn università: il-kandidati għandu jkollhom:

(a)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma u ċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar;

(b)

jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew, iċċertifikati b’diploma, u esperjenza professjonali adegwata ta' mill-inqas sena, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' mill-inqas tliet snin. Din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali ta’ wara l-lawrija meħtieġa hawn taħt;

Esperjenza professjonali: ikollhom minn tal-inqas 15-il sena esperjenza professjonali wara l-lawrja (4) f'livell li l-kwalifiki msemmijin hawn fuq jagħtu aċċess għalih.

Esperjenza konsultattiva: mill-anqas ħames (5) snin mill-esperjenza professjonali postgradwatorja jridu jkunu f’funzjoni ta’ ġestjoni ta’ livell għoli (5) f’qasam li għandu x’jaqsam ma’ din il-kariga.

Lingwi: il-kandidati jrid ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6) u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi uffiċjali. Matul l-intervista(i), il-bordijiet tal-għażla jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li (parti minn) l-intervista ssir f’din il-lingwa l-oħra;

Età massima: matul il-mandat ta’ tliet snin ikunu ta' età li taqa' taħt dik tal-irtirar, li għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq is-66 sena (ara l-Artikolu 52(a) tar-Regolamenti tal-Persunal (7)).

L-għażla u l-ħatra

Il-kandidat ammess se jintgħażel mill-Kummissjoni Ewropea skont il-proċeduri tagħha tal-għażla u tar-reklutaġġ (ara wkoll id-Dokument ta' Kompilazzjoni marbut mal-Politika dwar l-Uffiċjali f'Kariga Għolja (8)).

Bħala parti mill-proċedura tal-għażla, il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi bord ta’ preselezzjoni. Dan il-bord janalizza l-applikazzjonijiet kollha, jipproċedi bl-ewwel verifika tal-eliġibbiltà u jidentifika l-kandidati li jkollhom l-aħjar profil fid-dawl tal-kriterji tal-għażla imsemmija hawn fuq, u li jistgħu jiġu mistiedna għal intervista mal-bord ta’ preselezzjoni.

B’segwitu ta’ dawn l-intervisti, il-bord tal-preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta’ kandidati għal intervisti ulterjuri mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet (CCA) tal-Kummissjoni Ewropea. Filwaqt li jikkunsidra l-konklużjonijiet tal-bord ta’ preselezzjoni, is-CCA se jiddeċiedi dwar il-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.

Il-kandidati li jkunu msejħa għal intervista mas-CCA jipparteċipaw għal ġurnata sħiħa f’ċentru ta’ valutazzjoni tal-maniġment immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Filwaqt li jqis ir-riżultati tal-intervista u r-rapport taċ-ċentru ta’ valutazzjoni, is-CCA jistabbilixxi lista qasira ta’ kandidati li jikkunsidra adatti biex jeżerċitaw il-funzjoni ta’ Membru tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju.

Il-kandidati fuq il-lista preliminari tas-CCA jiġu intervistati mill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għal Regolamentazzjoni aħjar (9).

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni Ewropea tieħu deċiżjoni dwar il-ħatra.

Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll tal-istituzzjoni, il-proċedura tal-għażla ssir biss bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż (10).

Sakemm issir l-approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal mill-Istat Membru kkonċernat u titlesta l-proċedura ta’ approvazzjoni flimkien mal-briefing obbligatorju legalment mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, il-kandidat mhux se jkun jista’ jaċċessa l-informazzjoni klassifikata tal-UE fil-livell ta’ CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla minnu, u lanqas ma jkun jista’ jattendi laqgħat li fihom tali IKUE tkun qed tiġi diskussa.

L-opportunitajiet indaqs

Il-Kummissjoni Ewropea tapplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kundizzjonijiet tal-impjieg

Is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma elenkati fir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidat li jintgħażel ser jiġi reklutat bħala aġent temporanju fil-grad AD 14. Il-kandidat jiġi kklassifikat skont it-tul tal-esperjenza professjonali preċedenti tiegħu fil-pass 1 jew il-pass 2 f’dan il-grad. Din hija kariga temporanja għal tliet snin, u tista’ tiġi mġedda b’mod eċċezzjonali għal perjodu massimu ta’ sena (1).

Jenħtieġ li l-kandidati jieħdu nota tar-rekwiżit skont ir-Regolamenti tal-Persunal għall-persunal ġdid kollu li jrid itemm b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur.

Il-post tal-impjieg huwa Brussell, il-Belġju, fejn huwa bbażat il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju.

Indipendenza u dikjarazzjoni ta' interessi

Qabel jibda jaqdi dmirijietu, il-Konsulent Prinċipali jintalab jagħmel dikjarazzjoni ta’ impenn biex jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u jiddikjara kull interess, li jista’ jitqies bħala li jippreġudika l-indipendenza tiegħu.

Proċedura tal-applikazzjoni

Qabel tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, jenħtieġ li tivverifika b’attenzjoni jekk tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà kollha (“Kundizzjonijiet essenzjali”), b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi ta’ diplomi, l-esperjenza professjonali ta’ livell għoli kif ukoll il-kapaċità lingwistika meħtieġa. Min ma jissodisfax xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà jiġi awtomatikament eskluż mill-proċedura tal-għażla.

Jekk trid tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet fuq is-sit web li ġej u ssegwi l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

Għandu jkollok indirizz elettroniku validu. Dan ser jintuża biex tiġi konfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jibqa’ l-kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura. Għaldaqstant, jekk jogħġbok żomm lill-Kummissjoni Ewropea informata dwar kwalunkwe tibdil fl-indirizz elettroniku tiegħek.

Biex timla l-applikazzjoni tiegħek, jeħtieġ li ttella’ CV f’format PDF u timla ittra ta’ motivazzjoni online (massimu ta’ 8 000 karattru). Is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Meta tlesti r-reġistrazzjoni online tiegħek, tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek tkun ġiet irreġistrata. Jekk ma tirċevix ittra ta’ konferma, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Jekk jogħġbok innota li mhuwiex possibbli li timmonitorja l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Tiġi kkuntattjat direttament mill-Kummissjoni Ewropea rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.

Jekk teħtieġ iktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija s-16 ta’ Novembru 2020, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell, u wara din id-data ma jkunx iktar possibbli li tirreġistra.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tlesti r-reġistrazzjoni online tiegħek fil-ħin. Aħna nagħtuk parir biex ma tħallix għall-aħħar jiem biex tapplika, peress li traffiku tal-internet qawwi jew problema fil-konnessjoni tal-internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tiegħek tintemm qabel ma tlestiha, b’hekk tobbligak tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba tintemm l-iskadenza għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, inti ma tkunx tista’ tintroduċi iktar data. Mhux ser jiġu aċċettati reġistrazzjonijiet li jaslu tard.

Informazzjoni importanti għall-kandidati

Il-kandidati huma mfakkra li l-ħidma tad-diversi kumitati tal-għażla hija kunfidenzjali. Il-kandidati ma jistgħux jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri individwali tagħhom u lanqas ma jista’ ħaddieħor jagħmel dan f’isimhom. Kull mistoqsija trid tiġi indirizzata lis-segretarjat tal-bords rilevanti

Il-protezzjoni tad-data personali

Il-Kummissjoni ser tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u għas-sigurtà ta’ tali data.


(1)  Id-Deċiżjoni C (2015) 3263 tad-19 ta’ Mejju 2015 dwar l-istabbiliment ta’ Bord tal-Iskrutinju Regolatorju indipendenti.

(2)  Id-Deċiżjoni P(2020) 2 tat-23 ta’ Jannar 2020 dwar Bord tal-Iskrutinju Regolatorju indipendenti.

(3)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20140701&from=MT

(4)  L-esperjenza professjonali titqies biss jekk tkun tirrappreżenta relazzjoni ta’ ħidma konkreta li jkun definit bħala reali, ħidma ġenwina, bi ħlas u bħala impjegat (kull tip ta’ kuntratt) jew fornitur ta’ servizz. L-attivitajiet professjonali mwettqa part-time jitqiesu pro rata fuq il-bażi tal-perċentwal iċċertifikat ta’ sigħat ta’ xogħol full-time maħduma. Il-liv tal-maternità / tal-ġenituri / għall-adozzjoni, jittieħed f’kunsiderazzjoni jekk ikun fil-qafas ta’ kuntratt ta’ xogħol. Il-PhDs huma assimilati mal-esperjenza professjonali:, anki meta mhux bi ħlas, iżda għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin, sakemm il-PhD tkun inkisbet b’suċċess. Perjodu partikolari jista’ jitqies darba biss.

(5)  Fil-curriculum vitae tagħhom, jenħtieġ li l-kandidati jindikaw b’mod ċar x’tip ta’ esperjenza ta’ konsulenza nkisbet għas-snin kollha: (1) it-titlu u r-rwol tal-pożizzjonijiet okkupati; (2) il-qasam eżatt tas-suġġett kif ukoll f’liema livell fl-organizzazzjoni l-pożizzjoni kienet ibbażata (għadd ta’ livelli ġerarkiċi ’l fuq u ’l isfel); (3) il-linji ta’ rapportar għal kull pożizzjoni miżmuma.

(6)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01958R0001-20130701&qid=1408533709461&from=MT

(7)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20140701&from=MT

(8)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/compilation-of-the-senior-official-policy-at-the-european-commission_en.pdf.

Il-Kummissjoni Ewropea twettaq il-proċess tal-għażla bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

(9)  Sakemm il-Membru tal-Kummissjoni kkonċernat, b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2007 (PV(2007) 1811), ma jkunx iddelega dan il-kompitu lil Membru ieħor tal-Kummissjoni.

(10)  Il-bordijiet tal-għażla jiżguraw li ma jingħata l-ebda vantaġġ inġust lill-kelliema nattivi ta’ dawn il-lingwi.

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).