ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 258

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
6 ta' Awwissu 2020


Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 258/01

Rata tal-kambju tal-euro — Il-5 ta' Awwissu 2020

1

 

L-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej

2020/C 258/02

Deċiżjoni tal-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej tal-24 ta’ Lulju 2020 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

2


MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

6.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 258/1


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-5 ta' Awwissu 2020

(2020/C 258/01)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1854

JPY

Yen Ġappuniż

125,37

DKK

Krona Daniża

7,4508

GBP

Lira Sterlina

0,90265

SEK

Krona Żvediża

10,2865

CHF

Frank Żvizzeru

1,0770

ISK

Krona Iżlandiża

160,20

NOK

Krona Norveġiża

10,6585

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

26,097

HUF

Forint Ungeriż

344,50

PLN

Zloty Pollakk

4,3935

RON

Leu Rumen

4,8345

TRY

Lira Turka

8,3311

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6415

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5703

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,1871

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7809

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6228

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 405,74

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

20,4221

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,2277

HRK

Kuna Kroata

7,4683

IDR

Rupiah Indoneżjan

17 247,57

MYR

Ringgit Malażjan

4,9698

PHP

Peso Filippin

58,120

RUB

Rouble Russu

86,3692

THB

Baht Tajlandiż

36,759

BRL

Real Brażiljan

6,2311

MXN

Peso Messikan

26,7125

INR

Rupi Indjan

88,7090


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


L-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej

6.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 258/2


Deċiżjoni tal-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

tal-24 ta’ Lulju 2020

dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

(2020/C 258/02)

L-AWTORITÀ GĦALL-PARTITI POLITIĊI EWROPEJ U L-FONDAZZJONIJIET POLITIĊI EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 15(3), it-tielet subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (1), b’mod partikolari l-Artikolu 6(2), ir-raba’ subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jħaddan il-kunċett ta’ trasparenza, billi jistqarr li t-Trattat jindika stadju ġdid fil-proċess tal-ħolqien ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-aktar mod miftuħ, u kemm jista’ jkun qrib taċ-ċittadin,

(2)

bi qbil mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar l-ipproċessar — u b’mod partikolar l-iżvelar — ta’ data personali li tiżvela l-opinjonijiet politiċi u li tista’ twassal għal dannu għal persuni fiżiċi,

(3)

ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 joħloq bilanċ bejn il-prinċipju tat-trasparenza u l-protezzjoni tal-interessi privati u pubbliċi billi jispeċifika fl-Artikolu 32 l-informazzjoni u d-dokumenti meqjusa bħala ta’ interess pubbliku sostanzjali u li jiġġustifika l-iżvelar pubbliku,

(4)

l-aċċess għad-dokumenti tal-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandu jingħata, filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi protetta l-effikaċja tal-proċedimenti amministrattivi u l-indipendenza tal-Awtorità, prevista fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014,

(5)

f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, it-trattament tat-talbiet għal aċċess għad-dokumenti ma għandux jikkomprometti l-prestazzjoni tal-kompiti u l-funzjonijiet ewlenin assenjati lill-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, jiġifieri, ir-reġistrazzjoni, il-kontroll u, meta jkun xieraq, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej,

TADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Għan

L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tiddefinixxi l-kondizzjonijiet, il-limiti u l-proċeduri li permezz tagħhom l-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (l-“Awtorità”) għandha tagħti aċċess pubbliku għad-dokumenti li żżomm.

Artikolu 2

Benefiċjarji u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni Ewropea u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru għandhom dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Awtorità skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

2.   L-Awtorità, skont l-istess kondizzjonijiet, tista’ tagħti aċċess għal dawk id-dokumenti lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika mhux residenti jew li ma għandhiex l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru.

3.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għad-dokumenti kollha miżmuma mill-Awtorità, jiġifieri, id-dokumenti miktuba minnha jew li tirċievi u fil-pussess tagħha.

Artikolu 3

Eċċezzjonijiet

1.   L-Awtorità għandha tirrifjuta l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jikkomprometti l-protezzjoni:

(a)

tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda: kwistjonijiet ta’ sigurtà pubblika, ta’ difiża u militari, relazzjonijiet internazzjonali, il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

(b)

tal-privatezza u l-integrità tal-individwu, b’mod partikolari f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali; u

(c)

tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li hija protetta bħala tali skont id-dritt tal-Unjoni.

2.   L-Awtorità għandha tirrifjuta l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jikkomprometti:

(a)

il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali jew finanzjarji ta’ persuna fiżika jew ġuridika, inkluża l-proprjetà intellettwali;

(b)

proċedimenti tal-qorti u/jew konsulenza legali; u

(c)

l-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjonijiet u awditjar.

3.   L-aċċess għal dokument imfassal għall-użu intern jew irċevut mill-Awtorità, li għandu x’jaqsam ma’ kwistjoni li ma tteħditx deċiżjoni dwarha, għandu jiġi rrifjutat jekk l-iżvelar ta’ dak id-dokument jikkomprometti l-proċess deċiżjonali tal-Awtorità.

L-aċċess għal dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari mwettqa fi ħdan l-Awtorità, jew esternament jekk l-Awtorità pparteċipat fihom, b’mod partikolari għal skambji ta’ fehmiet bejn l-Awtorità u l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, jew il-Kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti, għandu jiġi rrifjutat anki wara li tkun ittieħdet deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument jikkomprometti l-proċess deċiżjonali tal-Awtorità.

4.   L-awtorità għandha tirrifjuta l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jikkomprometti l-konformità tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jew il-kapaċità tal-Awtorità li twettaq l-attivitajiet ta’ kontroll tagħha.

5.   Jekk ċerti partijiet biss tad-dokument mitlub ikunu koperti bi kwalunkwe waħda mill-eċċezzjonijiet f’dan l-Artikolu, il-partijiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu rilaxxati.

6.   Fil-każ tal-paragrafi 2-4, l-aċċess għandu madankollu jingħata kompletament jew parzjalment, jekk jeżisti interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar.

7.   Jekk l-applikazzjoni tikkonċerna dokument miżmum mill-Awtorità iżda li l-Awtorità ma tkunx l-awtur tiegħu, l-Awtorità għandha tikkonferma li rċeviet l-applikazzjoni u tipprovdi l-isem tal-persuna, l-istituzzjoni jew il-korp li l-applikazzjoni għandha tintbagħat lilhom.

Artikolu 4

Tressiq ta’ applikazzjonijiet inizjali

1.   L-applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokument tal-Awtorità jridu jsiru bil-miktub, fuq karta jew b’mod elettroniku, bi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

2.   L-applikant mhuwiex obbligat jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni, iżda meta ssir l-applikazzjoni għandu jintalab jipprovdi informazzjoni bħall-isem, l-indirizz u, fejn applikabbli, il-funzjoni.

3.   L-applikazzjonijiet għandhom isiru b’mod preċiż biżżejjed u għandhom jidentifikaw b’mod ċar id-dokument mitlub.

4.   Jekk applikazzjoni ma tkunx preċiża biżżejjed, l-Awtorità għandha titlob lill-applikant jikkjarifika l-applikazzjoni u għandha tgħin lill-applikant biex jagħmel dan.

5.   Fl-eventwalità ta’ applikazzjoni li tikkonċerna dokument twil ħafna jew numru kbir ħafna ta’ dokumenti, l-Awtorità tista’ tikkonsulta mal-applikant b’mod informali bil-għan li tinstab soluzzjoni ekwa.

6.   Meta applikazzjoni jkollha kamp ta’ applikazzjoni temporali u/jew materjali wiesa’ u l-applikant ma jiċċarax l-applikazzjoni jew jirrifjuta li jikkoopera, l-Awtorità tista’ tirrifjuta l-applikazzjoni billi t-trattament ta’ tali applikazzjoni jista’ jfixkel b’mod sostanzjali l-funzjonament normali tal-Awtorità.

Artikolu 5

Proċessar ta’ applikazzjonijiet inizjali

1.   L-applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokument għandhom jiġu ttrattati mit-Tim tat-Trasparenza tal-Awtorità. Dikjarazzjoni ta’ rċevuta bil-miktub għandha tintbagħat lill-applikant mill-aktar fis possibbli wara r-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni.

2.   Fi żmien 15-il jum ta’ xogħol mir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni jew, fejn applikabbli, mill-irċevuta tal-informazzjoni addizzjonali mitluba skont l-Artikolu 4, l-Awtorità għandha jew tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub jew, fi tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali u tinforma lill-applikant dwar id-dritt tiegħu li jagħmel applikazzjoni konfermatorja.

3.   F’każijiet eċċezzjonali, pereżempju fil-każ ta’ applikazzjoni li tikkonċerna dokument twil ħafna jew numru kbir ħafna ta’ dokumenti, il-limitu ta’ żmien previst fil-paragrafu 2 jista’ jiġi estiż bi 15-il jum ta’ xogħol, dment li l-applikant jiġi nnotifikat minn qabel u li jingħataw raġunijiet.

4.   Fin-nuqqas ta’ tweġiba mill-Awtorità għal applikazzjoni inizjali sal-limitu ta’ żmien preskritt, l-applikant għandu jkun jista’ jagħmel applikazzjoni konfermatorja.

Artikolu 6

Tressiq ta’ applikazzjonijiet konfermatorji

1.   Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali tal-applikazzjoni inizjali, jew fin-nuqqas ta’ tweġiba għall-applikazzjoni inizjali, l-applikant jista’ jagħmel applikazzjoni konfermatorja.

2.   L-applikazzjonijiet konfermatorji għandhom jitressqu lid-Direttur tal-Awtorità fi żmien 15-il jum ta’ xogħol minn meta tasal it-tweġiba tal-Awtorità jew, fin-nuqqas ta’ tweġiba għall-applikazzjoni inizjali, mill-iskadenza għat-tweġiba.

Artikolu 7

Proċessar ta’ applikazzjonijiet konfermatorji

1.   Fi żmien 15-il jum ta’ xogħol mir-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni konfermatorja, l-Awtorità għandha jew tagħti aċċess għad-dokument mitlub jew, fi tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali.

2.   Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-Awtorità għandha tinforma lill-applikant dwar ir-rimedji disponibbli għalih biex jikkontesta dak ir-rifjut, jiġifieri li jistitwixxi proċedimenti fil-qrati jew jagħmel ilment lill-Ombudsman Ewropew, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 263 u 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

3.   F’każijiet eċċezzjonali, pereżempju fil-każ ta’ applikazzjoni li tikkonċerna dokument twil ħafna jew numru kbir ħafna ta’ dokumenti, il-limitu ta’ żmien previst fil-paragrafu 2 jista’ jiġi estiż bi 15-il jum ta’ xogħol, dment li l-applikant jiġi nnotifikat minn qabel u li jingħataw raġunijiet.

4.   Nuqqas ta’ tweġiba għal applikazzjoni konfermatorja sal-limitu ta’ żmien preskritt għandu jitqies bħala tweġiba negattiva u jagħti d-dritt lill-applikant juża r-rimedji stabbiliti fil-paragrafu 2.

Artikolu 8

Aċċess wara applikazzjoni

1.   Skont din id-Deċiżjoni, l-Awtorità ma għandhiex tkun obbligata toħloq dokument jew format ġdid jew tiġbor informazzjoni addizzjonali fuq talba tal-applikant.

2.   L-awtorità għandha tipprovdi kopji tad-dokumenti li ngħata aċċess għalihom f’forma stampata jew elettronika. Jekk id-dokumenti jkunu voluminużi jew diffiċli biex jiġu ttrattati, l-applikant jista’ jiġi mistieden biex jikkonsulta d-dokumenti fuq il-post.

3.   L-applikant jista’ jintalab iħallas l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-kopji u biex jintbagħtu. Dan il-ħlas ma għandux jaqbeż l-ispiża reali tal-produzzjoni tal-kopji u biex jintbagħtu. L-applikant għandu jkun infurmat minn qabel dwar l-ispejjeż u jiġi mistoqsi jekk iridx jipproċedi bl-applikazzjoni. Il-konsultazzjoni fuq il-post, il-kopji ta’ inqas minn 20 paġna A4 u l-aċċess f’forma elettronika għandhom ikunu mingħajr ħlas.

4.   Jekk dokument ikun aċċessibbli għall-pubbliku, l-Awtorità tista’ tissodisfa l-obbligu tagħha li tagħti aċċess għad-dokument mitlub billi tinforma lill-applikant fejn jista’ jiksbu.

Artikolu 9

Riproduzzjoni ta’ dokumenti

1.   Id-dokumenti rilaxxati skont din id-Deċiżjoni ma għandhomx jiġu riprodotti jew sfruttati għal skopijiet kummerċjali mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel bil-miktub tal-Awtorità.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola eżistenti dwar id-drittijiet tal-awtur li tista’ tillimita d-dritt ta’ terzi li jirriproduċu jew jisfruttaw dokumenti rilaxxati.

3.   L-awtorità ma għandha tassumi ebda responsabbiltà għal kwalunkwe użu, żvelar jew riproduzzjoni illegali jew mhux awtorizzati ta’ dokumenti rilaxxati.

Artikolu 10

Imġiba abbużiva

L-awtorità għandha tirrifjuta applikazzjonijiet li jkunu abbużivi jew artifiċjali. Dawn jinkludu applikazzjonijiet imressqa minn individwi bl-użu ta’ lingwaġġ offensiv jew li jhedded.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2020.

F’isem l-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

M. ADAM

Direttur


(1)  ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).