ISSN 1977-0987 |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 126 |
|
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 63 |
Werrej |
Paġna |
|
|
II Komunikazzjonijiet |
|
|
KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA |
|
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
2020/C 126/01 |
Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19 |
|
2020/C 126/02 |
MT |
|
II Komunikazzjonijiet
KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA
Il-Kummissjoni Ewropea
17.4.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 126/1 |
Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19
(2020/C 126/01)
Fil-laqgħa tagħhom tas-26 ta’ Marzu 2020 (1), il-Membri tal-Kunsill Ewropew impenjaw ruħhom li jagħmlu dak kollu meħtieġ biex jipproteġu liċ-ċittadini tal-UE u biex jegħlbu l-kriżi filwaqt li jippreservaw il-valuri u l-istil ta’ ħajja Ewropew. Lil hinn mill-urġenza tal-ġlieda kontra l-pandemija COVID-19 u l-konsegwenzi immedjati tagħha, il-Membri tal-Kunsill Ewropew appellaw biex jitħejjew il-miżuri meħtieġa biex is-soċjetajiet u l-ekonomiji tal-Ewropa jerġgħu lura għal funzjonament normali u għal tkabbir sostenibbli, b’integrazzjoni fost oħrajn tat-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, filwaqt li jinsiltu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.
Il-komunikazzjoni preżenti, ippreżentata mill-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Kunsill Ewropew, twieġeb għas-sejħa tal-Membri tal-Kunsill għal strateġija ta’ ħruġ li tkun ikkoordinata mal-Istati Membri u li se twitti t-triq għal pjan ta’ rkupru komprensiv u investiment mingħajr preċedent.
1. Introduzzjoni
Il-fatt li l-pandemija COVID-19 tevolvi malajr u n-nuqqas ta’ għarfien sinifikanti abbinat ma’ virus ġdid u l-marda li jikkawża, wasslu għal sfidi bla preċedent għas-sistemi tal-kura tas-saħħa kif ukoll għal impatti soċjoekonomiċi drammatiċi fl-Ewropa u fid-dinja kollha. Il-kriżi diġà swiet eluf ta’ ħajjiet u qed tkompli tpoġġi s-sistemi tal-kura tas-saħħa taħt pressjoni enormi. Ittieħdu miżuri straordinarji u bla preċedent, kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali.
L-Istati Membri kollha pprojbew laqgħat pubbliċi, għalqu l-iskejjel (totalment jew parzjalment) u introduċew restrizzjonijiet fuq il-fruntiera/l-ivvjaġġar. Iktar minn nofs l-Istati Membri tal-UE pproklamaw stat ta’ emerġenza.
Dawn il-miżuri restrittivi kienu meħtieġa biex titnaqqas il-firxa tal-virus u diġà ffrankaw għaxriet ta’ eluf ta’ ħajjiet. (2) Iżda qed iġibu magħhom prezz soċjali u ekonomiku għoli. Joħolqu pressjoni fuq is-saħħa mentali u jġiegħlu liċ-ċittadini jibdlu radikalment il-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Ħolqu xokkijiet enormi għall-ekonomija u kellhom impatt serju fuq il-funzjonament tas-Suq Uniku, billi setturi sħaħ kellhom jagħlqu, il-konnettività hija limitata b’mod sinifikanti u l-ktajjen ta’ provvista internazzjonali u l-libertà ta’ moviment tal-persuni ġew interrotti b’mod gravi. Dan skatta l-ħtieġa ta’ intervent pubbliku biex jikkontrobilanċja l-impatt soċjoekonomiku, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri. (3) Minkejja l-miżuri li ttieħdu, l-impatt ekonomiku u soċjali se jkun gravi, kif juru b’mod drastiku is-sentimenti tas-suq u r-reġistrazzjonijiet bla preċedent fi skemi ta’ qgħad għal żmien qasir.
Anki jekk it-triq lura għan-normalità se tkun twila ħafna, huwa ċar ukoll li l-miżuri straordinarji ta’ konfinament ma jistgħux jibqgħu għaddejjin b’mod indefinit. Hemm ħtieġa ta’ valutazzjoni kontinwa dwar jekk dawn għadhomx proporzjonati hekk kif jevolvi l-għarfien tagħna tal-virus u tal-marda. Huwa indispensabbli li jkun hemm pjan għall-fażi meta l-Istati Membri jkunu jistgħu jirriattivaw attivitajiet ekonomiċi u soċjali filwaqt li jiġi minimizzat kwalunkwe impatt fuq is-saħħa tan-nies u ma jkunx ta’ piż żejjed għas-sistemi tal-kura tas-saħħa. Dan se jirrikjedi approċċ ikkoordinat sew fl-UE u fost l-Istati Membri kollha.
Il-Pjan Direzzjonali attwali jipprevedi approċċ bħal dan. Jibni fuq l-għarfien espert u l-pariri mogħtija miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Panel Konsultattiv tal-Kummissjoni dwar COVID-19 u jqis l-esperjenza u l-prospetti minn għadd ta’ Stati Membri kif ukoll gwida mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Il-Pjan Direzzjonali jistabbilixxi rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri, bil-għan li tiġi ppriservata s-saħħa pubblika filwaqt li l-miżuri ta’ konteniment jitneħħew gradwalment biex jerġgħu jibdew il-ħajja komunitarja u l-ekonomija. Mhuwiex sinjal li l-miżuri ta’ konteniment jistgħu jitneħħew immedjatament iżda għandu l-għan li jinforma l-azzjonijiet tal-Istati Membri u jipprovdi qafas biex tiġi żgurata koordinazzjoni transfruntiera u fil-livell tal-UE, filwaqt li jirrikonoxxi l-ispeċifiċità ta’ kull Stat Membru. Is-sitwazzjoni epidemjoloġika speċifika, l-organizzazzjoni territorjali, l-arranġamenti tas-servizz tal-kura tas-saħħa, id-distribuzzjoni tal-popolazzjoni jew id-dinamika ekonomika huma wħud mill-fatturi li jistgħu jaffettwaw id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri dwar fejn, meta u kif il-miżuri jitneħħew. Se tkun meħtieġa wkoll attenzjoni għas-sitwazzjoni tal-pajjiżi fil-viċinat tal-UE.
2. Kronometraġġ
Il-miżuri restrittivi introdotti mill-Istati Membri kienu neċessarji biex idewmu l-firxa tal-epidemija u jtaffu l-pressjoni fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa (“iċċattjar tal-kurva”). Dawn il-miżuri kienu bbażati fuq l-informazzjoni disponibbli b’rabta mal-karatteristiċi tal-epidemjoloġija tal-marda u segwew approċċ ta’ prekawzjoni. Ippermettew li jinkiseb ħin prezzjuż biex jiġu ppreparati s-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri, għall-akkwist ta’ prodotti essenzjali bħal tagħmir personali protettiv u tal-laboratorju kif ukoll għall-ventilaturi, inkluż fil-livell tal-UE, u biex jingħata bidu għal xogħol fuq l-iżvilupp ta’ tilqima u għal trattamenti possibbli.
Il-fehma xjentifika prevalenti tindika li dawn il-miżuri huma essenzjali, u tabilħaqq, id-data disponibbli turi li kombinazzjoni ta’ miżuri stretti ta’ konteniment tikseb tnaqqis fir-rati ta’ trażmissjoni u ta’ mortalità (4).
Sors: Servizzi tal-Kummissjoni L-għadd ta’ każijiet pożittivi attwali huwa daqs l-għadd totali ta’ każijiet ikkonfermati li minnu jitnaqqsu l-individwi rkuprati u l-fatalitajiet.
Huwa meħtieġ aktar żmien biex jiġi vvalutat l-effett sħiħ tagħhom, filwaqt li jitqies il-perjodu ta’ inkubazzjoni tal-virus, it-tul ta’ żmien li tieħu l-marda biex tgħaddi u l-ammissjonijiet fl-isptarijiet, ir-rappurtar meħtieġ, id-differenzi fl-intensità ta’ ttestjar u aktar tixrid li jista’ jseħħ waqt konfinament, eżempju fost membri tal-istess familja.
Peress li l-miżuri ta’ konfinament issa ilhom fis-seħħ għal ġimgħat, tqum naturalment il-kwistjoni ta’ meta u kif jistgħu jiġu llaxkati.
Huwa mifhum b’mod wiesa’ fost l-esperti epidemjoloġiċi li anke b’miżuri ta’ konfinament il-virus jibqa’ jiċċirkola u kwalunkwe livell ta’ rilassament gradwali tal-konfinament inevitabbilment iwassal għal żieda korrispondenti f’każijiet ġodda. Dan se jkun jeħtieġ monitoraġġ kostanti u dettaljat kif ukoll ir-rieda li jiġu aġġustati u introdotti mill-ġdid miżuri ġodda jekk ikun meħtieġ. Huwa evidenti wkoll li s-soċjetajiet ikollhom jgħixu bil-virus sakemm jinstabu tilqima jew trattament. F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li jkun hemm komunikazzjoni u trasparenza ċari u f’waqthom maċ-ċittadini. Djalogu kostanti mas-sħab soċjali se jkun ukoll ta’ importanza ewlenija.
Evidentement, il-kundizzjonijiet u l-kriterji li taħthom jistgħu jitneħħew il-miżuri ta’ konteniment jiddependu fil-biċċa l-kbira fuq data li qed tiżviluppa maż-żmien, b’mod partikolari fuq il-livell ta’ trażmissjoni tal-virus fir-reġjuni milquta, l-iżvilupp u t-tul ta’ żmien tal-immunità għall-virus fost il-popolazzjoni, u kif diversi gruppi ta’ età huma affettwati mill-marda. Data affidabbli timminimizza r-riskju ta’ deċiżjonijiet ibbażati fuq suppożizzjonijiet żbaljati jew informazzjoni mhux sħiħa, minħabba, pereżempju, dewmien fir-rappurtar jew nuqqas ta’ ttestjar ta’ persuni infettati b’ebda sintomu jew b’sintomi ħfief. Ir-rakkomandazzjonijiet f’dan il-Pjan Direzzjonali huma bbażati fuq l-għarfien xjentifiku disponibbli s’issa. Dawn jenħtieġ li jiġu riveduti hekk kif ikollna aktar evidenza, id-data nazzjonali ssir aktar komparabbli u l-metodi ta’ kejl isiru aktar armonizzati.
3. Kriterji
Huma rilevanti tliet settijiet ta’ kriterji biex jiġi vvalutat jekk wasalx iż-żmien li l-konfinament jibda jiġi llaxkat:
1. |
Kriterji epidemjoloġiċi li juru li t-tixrid tal-marda ikun naqas b’mod sinifikanti u stabbilizza għal perjodu ta’ żmien sostnut. Dan jista’, pereżempju, jiġi indikat bi tnaqqis sostenut fl-għadd ta’ infezzjonijiet ġodda, ammissjonijiet fi sptarijiet u pazjenti f’kura intensiva. |
2. |
Kapaċità suffiċjenti tas-sistema tas-saħħa, pereżempju f’termini tar-rata ta’ okkupanza għall-Unitajiet tal-Kura Intensiva, għadd adegwat ta’ sodod tal-isptar, aċċess għal prodotti farmaċewtiċi meħtieġa f’unitajiet ta’ kura intensiva, ir-rikostituzzjoni ta’ stokkijiet ta’ tagħmir, aċċess għall-kura b’mod partikolari għal gruppi vulnerabbli, id-disponibbiltà ta’ strutturi tal-kura primarja kif ukoll biżżejjed persunal b’ħiliet xierqa biex jieħdu ħsieb pazjenti rilaxxati mill-isptarijiet jew li jinżammu d-dar u li jieħdu sehem f’miżuri biex jitneħħa l-konfinament (pereżempju ittestjar). Dan il-kriterju huwa essenzjali peress li jindika li s-sistemi nazzjonali differenti tal-kura tas-saħħa jistgħu jlaħħqu ma’ żidiet futuri fil-każijiet wara li jitneħħew il-miżuri. Fl-istess ħin, l-isptarijiet huma dejjem aktar probabbli li jiffaċċjaw akkumulazzjoni ta’ interventi elettivi li kienu ġew posposti temporanjament matul il-quċċata tal-pandemija jiġifieri s-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri jkollhom jirkupraw biżżejjed kapaċità b’mod ġenerali, u mhux biss relatata mal-ġestjoni ta’ COVID-19. |
3. |
Kapaċità ta’ monitoraġġ xierqa, inkluża kapaċità ta’ ttestjar fuq skala kbira sabiex jiġi identifikat u mmonitorjat it-tixrid tal-virus flimkien mat-traċċar tal-kuntatti u l-possibbiltajiet li jiġu iżolati n-nies f’każ li jerġa’ jfeġġ il-virus u jerġgħu jinxterdu l-infezzjonijiet. Il-kapaċitajiet ta’ detezzjoni tal-antikorpi, meta kkonfermati b’mod speċifiku għal COVID-19, se jipprovdu data komplementari dwar kemm hu kbira s-sezzjoni tal-popolazzjoni li tkun irnexxielha tegħleb il-marda u eventwalment se jkejlu l-immunità miksuba. |
Huwa f’idejn l-Istati Membri, skont l-istrutturi tagħhom stess, li jiddeċiedu f’liema livell jenħtieġ li tiġi vvalutata l-konformità mal-kriterji ta’ hawn fuq.
4. Prinċipji
Id-dieskalazzjoni mill-miżuri imposti ta’ COVID-19 b’mod koordinat hija kwistjoni ta’ interess Ewropew komuni. L-Istati Membri kollha huma affettwati, minkejja li fi gradi differenti. It-tixrid tal-virus ma jistax jiġi kkontrollat fi ħdan il-fruntieri u l-azzjonijiet meħuda minn stati għal rashom huma garantiti li jkunu inqas effettivi. Il-miżuri ta’ konteniment, u l-illaxkar gradwali tagħhom, jaffettwaw mhux biss is-saħħa pubblika iżda wkoll il-ktajjen ta’ valur li huma integrati sew, kif ukoll is-sistemi tat-trasport nazzjonali u transfruntiera meħtieġa biex jippermettu l-moviment liberu ta’ persuni, oġġetti u servizzi. Għaldaqstant, jenħtieġ li n-natura integrata tas-Suq Uniku titqies meta jkunu qegħdin jitneħħew dawn il-miżuri. Filwaqt li ż-żmien u l-modalitajiet speċifiċi se jvarjaw bejn l-Istati Membri, huwa essenzjali li jkun hemm qafas komuni.
Jenħtieġ li tliet prinċipji bażiċi jiggwidaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha:
1. |
Jenħtieġ li l-azzjoni tkun ibbażata fuq ix-xjenza u jkollha s-saħħa pubblika fiċ-ċentru tagħha: id-deċiżjoni biex jitneħħew il-miżuri restrittivi hija deċiżjoni ta’ politika multidimensjonali, li tinvolvi l-ibbilanċjar ta’ benefiċċji għas-saħħa pubblika kontra impatti soċjali u ekonomiċi oħra. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-ħarsien tas-saħħa pubblika fuq medda qasira u twila ta’ żmien tibqa’ l-għan primarju tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri. L-evidenza xjentifika disponibbli għandha tinforma kemm jista’ jkun id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri u jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu lesti jirrevedu l-approċċi tagħhom hekk kif toħroġ iktar evidenza xjentifika. |
2. |
Jenħtieġ li l-azzjoni tkun ikkoordinata bejn l-Istati Membri: nuqqas ta’ koordinazzjoni fit-tneħħija ta’ miżuri restrittivi jirriskja li jkollu effetti negattivi għall-Istati Membri kollha u joħloq tensjoni politika. Filwaqt li m’hemmx approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd, mill-inqas, jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lil xulxin u lill-Kummissjoni fi żmien xieraq permezz tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa qabel ma jħabbru miżuri ta’ tneħħija tal-konfinament u jqisu l-opinjonijiet tagħhom. . Jenħtieġ li jkun hemm komunikazzjoni u diskussjoni fil-kuntest tar-Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi. |
3. |
Ir-rispett u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri jibqgħu essenzjali: suċċess ewlieni f’din il-fażi ikun li nibnu fuq il-punti ta’ saħħa ta’ xulxin. Mhux is-sistemi kollha tas-saħħa huma taħt l-istess pressjoni, hemm minjiera ta’ għarfien li għandu jinqasam bejn il-professjonisti u l-Istati Membri u l-assistenza reċiproka fi żminijiet ta’ kriżi hija kruċjali. Minkejja li kienu qed jitqajmu dubji dwar il-koordinazzjoni u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri fil-bidu tal-pandemija, dawn l-aħħar ftit ġimgħat rajna eżempji ta’ solidarjetà li qed jikbru fl-UE kollha bħal pazjenti taħt kura intensiva li ġew trattati fi Stati Membri oħra, tobba u infermiera li ntbagħtu, il-provvista lil pajjiżi oħra ta’ lbies u maskri protettiv kif ukoll ventilaturi. Sbatax-il Stat Membru s’issa organizzaw titjiriet, ħafna minnhom iffaċilitati u ffinanzjati permezz tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE, biex iġibu liċ-ċittadini Ewropej tan-nazzjonalitajiet kollha li nqabdu barra minn pajjiżhom. Permezz ta’ pjattaforma online ddedikata tal-UE, il-professjonisti tas-saħħa qed jaqsmu l-esperjenza tagħhom fil-kura ta’ pazjenti b’COVID-19. Dan huwa l-approċċ it-tajjeb u jenħtieġ li jitkompla. (5) Dan se jwassal għal aktar miżuri ta’ solidarjetà fil-livell tal-UE biex jiġu appoġġati xi Stati Membri u reġjuni li se jkollhom bżonn dan l-appoġġ biex jegħlbu l-pandemija jew li se jkunu affettwati aktar minn oħrajn mill-kriżi ekonomika li se tirriżulta. (6) |
5. Miżuri ta’ akkumpanjament
Sabiex il-miżuri ta’ konfinament eżistenti jitneħħew b’mod gradwali b’suċċess, hemm bżonn taħlita ta’ miżuri ta’ akkumpanjament li huma rilevanti għall-Istati Membri kollha. L-UE qed tieħu passi biex tappoġġahom f’dak ir-rigward.
1. |
Il-ġbir ta’ data u l-iżvilupp ta’ sistema b’saħħitha għar-rappurtar: il-ġbir u l-iskambju armonizzat ta’ data fuq livell nazzjonali u sottonazzjonali mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika dwar it-tixrid tal-virus, il-karatteristiċi tal-persuni infettati u ta’ dawk li rkupraw, kif ukoll il-kuntatti diretti potenzjali tagħhom, huwa essenzjali biex tiġi ġestita aħjar it-tneħħija tal-miżuri. Fl-istess waqt, billi qed tiżdied l-evidenza li għadd kbir ta’ nies jistgħu jkunu portaturi asintomatiċi tal-COVID-19 jew jista’ jkollhom sintomi limitati biss, l-informazzjoni dwar il-każijiet irrapportati lill-awtoritajiet tas-saħħa jaf tirrappreżenta biss il-parti l-iktar viżibbli ta’ fenomenu ikbar. Għad fadal affarijiet sinifikanti li ma nafuhomx. Għaldaqstant qed jintużaw mudelli matematiċi biex nifhmu t-tixrid tal-COVID-19 u biex jiġi previst u evalwat l-impatt potenzjali tad-diversi miżuri ta’ konteniment stabbiliti mill-Istati Membri. Il-midja soċjali u l-operaturi tan-netwerks mobbli jistgħu joffru ammont kbir ta’ data dwar il-mobbiltà, l-interazzjonijiet soċjali, kif ukoll rapporti volontarji ta’ każijiet ta’ mard ħafif (eż. permezz ta’ sorveljanza parteċipattiva) u/jew sinjali bikrin indiretti dwar it-tixrid tal-mard (eż. tfittxijiet/posts dwar sintomi mhux tas-soltu). Tali data, jekk tinġabar flimkien u tintuża f’format aggregat u anonimizzat f’konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, tista’ tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal-immudellar u tat-tbassir tal-pandemija fuq livell tal-UE. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) u l-ECDC jistgħu jiċċentralizzaw dan il-ġbir ta’ data u l-ħidma fuq il-mudelli. |
2. |
Il-ħolqien ta’ qafas għat-traċċar tal-kuntatti u għat-twissija permezz tal-apps għall-apparati mobbli, li jirrispetta l-privatezza tad-data: applikazzjonijiet tal-mowbajl li jwissu liċ-ċittadini dwar riskju akbar minħabba kuntatt ma’ xi persuna li tkun irriżultat infettata bil-COVID-19 huma partikolarment rilevanti fil-fażi tat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment, meta r-riskju ta’ infezzjoni jikber hekk kif aktar u aktar nies jiġu f’kuntatt ma’ xulxin. Kif esperjenzat minn pajjiżi oħra li qed jittrattaw il-pandemija tal-COVID-19, dawn l-applikazzjonijiet jistgħu jgħinu biex jinterrompu l-katini tal-infezzjonijiet u jnaqqsu r-riskju ta’ iktar trażmissjoni tal-virus. Jenħtieġ li dawn ikunu element importanti fl-istrateġiji stabbiliti mill-Istati Membri, li jikkomplementaw miżuri oħra bħaż-żieda fil-kapaċitajiet tal-ittestjar. L-użu ta’ tali applikazzjonijiet tal-mowbajl jenħtieġ li jkun volontarju għall-individwi, ibbażat fuq il-kunsens tal-utenti u f’rispett sħiħ tar-regoli Ewropej dwar il-privatezza u dwar il-protezzjoni ta’ data personali. Meta jużaw apps ta’ traċċar, jenħtieġ li l-utenti jkollhom kontroll fuq id-data tagħhom. Jenħtieġ li l-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali jkunu involuti fid-disinn tas-sistema. It-traċċar tal-prossimità mill-qrib bejn l-apparati mobbli jenħtieġ li jkun possibbli biss fuq bażi anonima u aggregata, bl-ebda tip ta’ traċċar taċ-ċittadini, u l-ismijiet tal-persuni possibbilment infettati jenħtieġ li ma jiġux żvelati lill-utenti l-oħra. Jenħtieġ li l-applikazzjonijiet mobbli tat-traċċar u tat-twissija jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ trasparenza stretti, jiġu diżattivati malli l-kriżi tal-COVID-19 tispiċċa u kull data li jifdal titħassar. Jekk jitqiesu l-effetti tan-netwerk, l-adozzjoni mifruxa ta’ xi app ta’ referenza pan-UE, jew tal-inqas l-interoperabbiltà u l-kondiviżjoni tar-riżultati bejn tali apps, jippermettu twissija iktar effettiva għall-persuni kkonċernati u segwitu aktar effiċjenti tal-politika tas-saħħa pubblika. Fit-8 ta’ April 2020 il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni (7) li tistabbilixxi proċess mal-Istati Membri għall-iżvilupp ta’ approċċ Ewropew komuni (“sett tal-għodod”) għall-użu tal-mezzi diġitali li jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini biex jieħdu miżuri effettivi u mmirati ta’ tbegħid soċjali (8). Dan l-approċċ komuni se jiġi kkomplementat mill-gwida tal-Kummissjoni li se tispeċifika l-prinċipji rilevanti tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data. Il-kunfidenza f’dawn l-applikazzjonijiet u r-rispett tagħhom tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data huma ta’ importanza kbira għas-suċċess u l-effettività tagħhom. |
3. |
L-espansjoni tal-kapaċità tal-ittestjar u l-armonizzazzjoni tal-metodoloġiji tal-ittestjar: fin-nuqqas ta’ vaċċin, il-popolazzjoni trid tiġi protetta kemm jista’ jkun mill-infezzjoni. Għaldaqstant, id-disponibbiltà ta’ ttestjar fuq skala kbira li jista’ jipprovdi riżultati rapidi u affidabbli hija essenzjali biex tiġi miġġielda l-pandemija u hija wkoll prekondizzjoni biex fil-futur il-miżuri ta’ tbegħid soċjali jitneħħew (u hija wkoll importanti għall-effettività tal-apps tat-traċċar tal-kuntatti kif spjegat hawn fuq). Huwa meħtieġ approċċ fuq tliet livelli biex jitjieb l-ittestjar fl-Istati Membri:
L-allinjament tal-metodoloġiji tal-ittestjar huwa komponent kritiku ta’ dan l-approċċ u jirrikjedi l-kondiviżjoni tal-esperjenzi sabiex jinkisbu riżultati komparabbli madwar l-UE u fi ħdan ir-reġjuni tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni qed tippreżenta linji gwida dwar testijiet differenti tal-COVID-19 u l-prestazzjoni tagħhom, fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni mal-ECDC, li indirizza l-ittestjar fil-valutazzjoni tar-riskju aġġornata regolarment. Ix-xogħol se jibqa’ għaddej biex jiġu allinjati l-approċċi għall-prestazzjoni tat-testijiet fuq livell tal-UE. Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-kompilazzjoni tal-istudji xjentifiċi rilevanti kollha u taġixxi bħala punt ta’ kuntatt uniku biex id-data emerġenti u r-riżultati jkunu aċċessibbli għall-Istati Membri u għar-riċerkaturi. F’kooperazzjoni mal-Istati Membri u f’konsultazzjoni mal-ECDC, se tistabbilixxi netwerk ta’ laboratorji ta’ referenza għall-COVID-19 fl-Unjoni, flimkien ma’ pjattaforma ta’ appoġġ. |
4. |
Żieda fil-kapaċità u r-reżiljenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa: it-tneħħija gradwali ta’ ċerti miżuri ta’ konfinament bilfors se twassal għal infezzjonijiet ġodda. Għaldaqstant huwa essenzjali li l-pazjenti ġodda tal-COVID-19 jirċievu l-kura xierqa mingħand is-sistemi tal-kura tas-saħħa u, b’mod partikolari, f’każ ta’ bżonn, mingħand l-isptarijiet. Kapaċitajiet suffiċjenti fl-isptarijiet u kura tas-saħħa primarja b’saħħitha, il-protezzjoni tal-kapaċità ta’ finanzjament tas-sistema tal-kura tas-saħħa, persunal fil-kura tas-saħħa li jkun imħarreġ sew u li rkupra, u l-aċċess garantit għall-kura tas-saħħa għal kulħadd se jkunu deċiżivi għar-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa fit-tranżizzjoni. Il-Kummissjoni mobilizzat strumenti baġitarji tal-UE għall-għoti ta’ riżorsi addizzjonali – inkluż persunal – għall-appoġġ tas-sistemi tal-kura tas-saħħa fil-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19 u biex jiġu salvati l-ħajjiet (9). |
5. |
Espansjoni ulterjuri tal-kapaċitajiet għall-provvista ta’ tagħmir mediku u ta’ protezzjoni personali: il-kriżi tal-COVID-19 wasslet għal żieda qawwija fid-domanda għal tagħmir mediku u ta’ protezzjoni personali, bħall-ventilaturi, kits tal-ittestjar u maskri. Madankollu, din id-domanda mhux dejjem issib provvista suffiċjenti. Għaldaqstant, l-ewwel ġimgħat tal-kriżi kienu karatterizzati minn kompetizzjoni bejn akkwist konġunt fuq livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE, interruzzjonijiet fil-katini tal-provvista inklużi restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, u n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-bżonnijiet tal-Istati Membri differenti. Prodotti importanti mhux qed jaslu fid-destinazzjonijiet tagħhom jew qed jaslu b’dewmien sinifikanti. Il-kompetizzjoni fost l-Istati Membri u s-sħab internazzjonali wasslet għal żieda sinifikanti fil-prezzijiet. Dan tefa’ dawl fuq l-importanza ta’ koordinazzjoni biex jiġu żgurati provvisti adegwati fl-UE kollha. Il-Kummissjoni qed taġixxi skont dan flimkien mal-Istati Membri (10). Jenħtieġ li l-użu l-iktar effettiv tat-tagħmir protettiv personali disponibbli jkun ibbażat fuq l-għarfien u l-pariri li jevolvu (11). It-tagħmir mediku – bħall-ventilaturi – normalment jiġi vvalutat u ċċertifikat minn korp notifikat fuq livell nazzjonali permezz ta’ valutazzjonijiet tal-konformità jew awtoċertifikazzjoni. Dan il-proċess jista’ jdum diversi xhur. Il-Kummissjoni titlob lill-korpi notifikati biex jagħtu prijorità lit-tagħmir mediku essenzjali fil-ġlieda kontra l-COVID-19, fuq il-bażi ta’ lista li għandha tiġi miftiehma mal-Istati Membri. Fir-rigward tal-valutazzjoni tas-sikurezza u l-prestazzjoni tal-apparati mediċi u tat-tagħmir protettiv personali, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jaqsmu l-aħjar prattiċi u jfittxu kunsens dwar approċċi komuni bl-għajnuna tal-korpi notifikati kif xieraq. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu punt ta’ kuntatt uniku għall-mistoqsijiet kollha relatati mat-tagħmir protettiv personali u mal-apparati mediċi biex tinħoloq rabta bejn il-korpi tal-ittestjar u l-awtoritajiet rilevanti tas-sorveljanza tas-suq. Sabiex jiġu żgurati provvisti suffiċjenti ta’ tagħmir u mediċini biex tkun possibbli t-tneħħija tal-miżuri ta’ konfinament, jaf ikun hemm bżonn grad ta’ kooperazzjoni ikbar milli permess is-soltu bejn id-ditti, inklużi kompetituri, f’ċerti ekosistemi. Il-Kummissjoni qiegħda u se tkompli tipprovdi, skont il-bżonn, gwida dwar l-antitrust u konfort għall-kooperazzjoni bejn id-ditti f’ekosistemi biex jingħelbu n-nuqqasijiet ta’ oġġetti u servizzi meħtieġa biex ikun possibbli t-tnaqqis gradwali tal-miżuri ta’ konteniment. Permezz tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK), il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni se jiżguraw ukoll l-applikazzjoni koerenti ta’ din il-gwida fl-azzjonijiet ta’ infurzar rispettivi tagħhom. |
6. |
L-iżvilupp ta’ vaċċin sigur u effettiv huwa kruċjali biex tispiċċa din il-pandemija tal-COVID-19. Għaldaqstant, l-iżvilupp u l-introduzzjoni rapida tiegħu huma essenzjali. Il-Kummissjoni qed timmobilizza fondi addizzjonali biex trawwem ir-riċerka għal vaċċin. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa u l-esperjenzi passati b’rabta mal-iskedi tal-iżvilupp ta’ vaċċin, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) tistma li jaf tgħaddi sena qabel ikun jista’ jiġi approvat vaċċin kontra l-COVID-19 u qabel dan ikun disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti biex ikun possibbli l-użu mifrux u sikur tiegħu. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-EMA, qed tissimplifika l-passi regolatorji meħtieġa, mill-provi kliniċi sal-awtorizzazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni, biex tiżgura aċċellerazzjoni fil-proċess waqt li tiżgura s-sikurezza. Hija se tmexxi l-komunità tar-riċerka u l-industrija biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom fi provi kliniċi kbar u jaraw kif jistgħu jżidu l-produzzjoni tal-vaċċini fuq perjodu medju ta’ żmien. L-akkwist konġunt u l-aċċess ugwali għall-vaċċini, ladarba jkunu disponibbli, se jiggwidaw l-azzjoni tal-Kummissjoni. Fuq livell internazzjonali se titrawwem il-kooperazzjoni, partikolarment biex ikun promoss l-aċċess għall-vaċċin. |
7. |
Fl-istess waqt, l-iżvilupp ta’ trattament u mediċini sikuri u effettivi, inkluż partikolarment billi l-mediċini eżistenti li attwalment huma awtorizzati għal mard jew kundizzjonijiet oħra jintużaw għal skop ġdid, jista’ jillimita l-impatt tal-virus fuq is-saħħa tal-popolazzjoni fix-xhur li ġejjin filwaqt li l-ekonomija u s-soċjetà jirkupraw qabel. L-UE qed tiffinanzja l-aċċess għas-supercomputing u għall-għarfien espert tal-intelliġenza artifiċjali biex tiġi aċċellerata l-identifikazzjoni ta’ molekuli attivi potenzjali fid-drogi u l-komposti eżistenti. Il-provi kliniċi għal dawn it-trattament bdew u l-istess bħal fil-każ tal-vaċċini, il-Kummissjoni u l-EMA qed iħejju għal aċċellerazzjoni tal-istadji regolatorji mill-provi kliniċi sal-awtorizzazzjoni tas-suq. Trid tingħata preferenza għall-istabbiliment ta’ provi kliniċi kbar, kemm jista’ jkun Ewropej, peress li dawn huma meħtieġa biex tiġi ġġenerata d-data robusta meħtieġa. It-tħejjija tal-akkwist konġunt għax-xiri fuq skala kbira ta’ terapiji potenzjali kontra l-COVID-19 hija fi stadju avvanzat. |
6. Rakkomandazzjonijiet
Abbażi tal-parir xjentifiku tal-ECDC u tal-Panel Konsultattiv dwar il-COVID-19, il-Kummissjoni żviluppat sett ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar kif għandhom jitneħħew gradwalment il-miżuri ta’ konteniment:
1. |
L-azzjoni se tkun gradwali, billi l-miżuri se jitneħħew fi stadji differenti u għandu jitħalla żmien biżżejjed bejn il-passi (eż. xahar wieħed), peress li l-effett tat-tneħħija tagħhom jista’ jitkejjel biss maż-żmien. |
2. |
Jenħtieġ li l-miżuri ġenerali jiġu sostitwiti progressivament minn miżuri mmirati. Dan jippermetti li s-soċjetajiet imorru lura għan-normal gradwalment, filwaqt li l-popolazzjoni tal-UE tkompli tiġi protetta mill-virus, pereżempju:
|
3. |
Jenħtieġ li t-tneħħija tal-miżuri tibda b’dawk b’impatt lokali u għandha tiġi estiża gradwalment għal miżuri b’għata ġeografika usa’, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. Dan jippermetti t-teħid ta' azzjoni aktar effettiva, imfassla għall-kundizzjonijiet lokali fejn dan ikun xieraq, u li jekk ikun hemm għadd kbir ta’ każijiet ġodda jerġgħu jiġu imposti restrizzjonijiet kif meħtieġ (eż. l-introduzzjoni ta’ korduni sanitarji). Dan l-approċċ jippermetti li l-ewwel jiġu llaxkati l-miżuri li jaffettwaw il-ħajja tan-nies b’mod aktar dirett. Dan finalment jippermetti lill-Istati Membri jqisu aħjar id-differenzi reġjonali tal-COVID-19 mifruxa fit-territorji tagħhom. |
4. |
Huwa meħtieġ approċċ f’fażijiet għall-ftuħ tal-fruntieri interni u esterni tagħna, li eventwalment jerġa’ jġib il-funzjonament taż-żona Schengen għan-normal.
|
5. |
Il-bidu mill-ġdid tal-attività ekonomika jenħtieġ li jiddaħħal gradwalment, biex b’hekk jiġi żgurat li l-awtoritajiet u n-negozji jkunu jistgħu jaġġustaw b’mod adegwat biex iżidu l-attivitajiet b’mod sikur. Hemm diversi mudelli (impjiegi b’kuntatt baxx interpersonali, impjiegi adatti għal telexogħol, importanza ekonomika, ċaqliq tal-ħaddiema, eċċ.), iżda mhux il-popolazzjoni kollha għandha tmur lura fuq il-post tax-xogħol fl-istess ħin, b’enfasi inizjali li għandha tkun fuq gruppi inqas ipperikolati u setturi li huma essenzjali biex tiġi ffaċilitata l-attività ekonomika (eż. it-trasport). Billi t-tbegħid soċjali jenħtieġ li jibqa’ fis-seħħ fil-biċċa l-kbira tiegħu, jenħtieġ li t-telexogħol jibqa’ jitħeġġeġ. Fuq il-post tax-xogħol, jenħtieġ li jiġu rispettati r-regoli dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol imposti mill-pandemija. Il-Kummissjoni se toħloq funzjoni ta’ twissija rapida biex tidentifika l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista u tal-valur, filwaqt li sserraħ fost l-oħrajn fuq netwerks eżistenti bħan-Netwerk Enterprise Europe (EEN), Clusters, Kmamar tal-Kummerċ u l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ, Rappreżentanti tal-SMEs kif ukoll atturi oħra bħas-sħab soċjali fil-livell Ewropew. L-aħjar soluzzjonijiet disponibbli ser jiġu mfittxija biex jiġi indirizzat dan it-tfixkil, li jista’ jkollhom l-oriġini tagħhom fi tneħħija assimetrika ta’ miżuri ta’ trażżin (ġewwa jew barra l-UE), f’falliment ta’ negozji jew f’interferenza minn xi attur minn pajjiżi terzi. |
6. |
Jenħtieġ li l-ġemgħat ta’ nies jibdew jiġu permessi progressivament. Meta jirriflettu fuq is-sekwenzjar l-aktar xieraq, jenħtieġ li l-Istati Membri jiffukaw fuq l-ispeċifiċitajiet ta’ kategoriji differenti ta’ attività, pereżempju:
Jenħtieġ li l-introduzzjoni gradwali mill-ġdid tas-servizzi tat-trasport tiġi adattata għat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-introduzzjoni gradwali ta’ tipi partikolari ta’ attivitajiet filwaqt li jitqies il-livell ta’ riskju fiż-żoni kkonċernati. Jenħtieġ li trasport b’riskju aktar baxx, individwalizzat (eż. karozzi privati) ikun permess mill-aktar fis possibbli, filwaqt li mezzi kollettivi tat-trasport għandhom jiġu introdotti gradwalment b’miżuri neċessarji orjentati lejn is-saħħa (eż. it-tnaqqis tad-densità ta’ passiġġieri f’vetturi, frekwenza ta’ servizz ogħla, ħruġ ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali għall-persunal tat-trasport u/jew tal-passiġġieri, bl-użu ta’ ilqugħ protettivi, tqegħid ta’ ġel idroalkoħoliku/ta’ diżinfettar disponibbli fiċ-ċentri ta’ trasport u f’vetturi, eċċ.) |
7. |
Jenħtieġ li l-isforzi biex jiġi evitat it-tixrid tal-virus jiġu sostnuti: jenħtieġ li l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni jkomplu jħeġġu l-popolazzjoni biex iżżomm il-prattiki ta’ iġjene b’saħħithom (l-użu tas-sanitizzaturi, il-ħasil ta’ idejn, imġiba għal meta wieħed jisgħol/jagħtas, it-tindif ta’ uċuħ b’kuntatt frekwenti, eċċ.). Jenħtieġ li l-linji gwida dwar it-tbegħid soċjali jkomplu japplikaw. Jenħtieġ li ċ-ċittadini jingħataw informazzjoni sħiħa dwar is-sitwazzjoni biex jikkontribwixxu biex iwaqqfu t-trażmissjoni tal-virus permezz ta’ miżuri u responsabbiltà individwali. L-aħħar gwida tal-ECDC (16)tagħti parir li l-użu ta’ maskri mhux mediċi fil-pubbliku jista’ jkun utli. L-użu ta’ maskri tal-wiċċ fil-komunità jista’ jitqies, speċjalment meta wieħed jkun qed iżur postijiet tax-xogħol, spazji magħluqa, bħal ħwienet tal-merċa, ċentri kummerċjali, jew meta jintuża t-trasport pubbliku. Jista’ jiġi kkunsidrat l-użu ta’ maskri mhux mediċi magħmula minn diversi tessuti, speċjalment jekk — minħabba problemi ta’ provvista u użu ta’ prijorità minn ħaddiema tal-kura tas-saħħa — il-maskri mediċi ma jkunux disponibbli għall-pubbliku. Madankollu, l-użu ta’ maskri tal-wiċċ fil-komunità jenħtieġ li jitqies biss bħala miżura komplementari u mhux bħala sostituzzjoni għal miżuri preventivi stabbiliti, bħal tbegħid fiżiku, imġiba respiratorja, iġjene bir-reqqa tal-idejn u l-evitar li wieħed imiss wiċċu, imnieħru, għajnejh u ħalqu. L-użu ta’ maskri mediċi minn ħaddiema tal-kura tas-saħħa għandu dejjem jingħata prijorità fuq l-użu tagħhom fil-komunità. Rakkomandazzjonijiet dwar l-użu ta’ maskri tal-wiċċ fil-komunità jenħtieġ li jqisu bir-reqqa l-lakuni fid-data, is-sitwazzjoni tal-provvista, u l-effetti sekondarji negattivi potenzjali. |
8. |
Jenħtieġ li l-azzjoni tkun immonitorjata kontinwament u għandu jiġi żviluppati l-istat ta’ tħejjija għar-ritorn lejn miżuri ta’ konteniment aktar stretti kif meħtieġ, f’każ ta’ żieda eċċessiva fir-rati ta’ infezzjoni, inkluża l-evoluzzjoni tal-firxa internazzjonali. Deċiżjonijiet dwar jekk jew meta jerġgħu jiddaħħlu miżuri aktar stretti jenħtieġ li jkunu bbażati fuq pjan formali, bl-użu ta’ kriterji espliċiti. L-istat ta' tħejjija jenħtieġ li jinvolvi t-tisħiħ tas-sistemi tal-kura tas-saħħa sabiex ikunu jistgħu jiġu affrontati ż-żidiet qawwija tal-virus li jista’ jkun hemm fil-ġejjieni. Il-Kummissjoni se tagħti l-kompitu li jiżviluppa parir dwar approċċ komuni tal-UE għal restrizzjonijiet fuq il-moviment futuri lill-ECDC fid-dawl tal-possibbiltà li l-marda terġa’ titfaċċa, filwaqt li jitqiesu l-lezzjonijiet li ttieħdu s’issa. |
7. Konklużjoni
Il-parir xjentifiku, il-koordinazzjoni u s-solidarjetà fl-UE huma l-prinċipji ewlenin għall-Istati Membri biex ineħħu b’suċċess il-miżuri attwali ta’ konfinament.
F’dan il-kuntest, hemm bżonn ta’ approċċ ikkalibrat, koordinat u gradwali li jsir bir-reqqa. Ikun meħtieġ li jkunu qed joperaw diversi miżuri ta’ akkumpanjament biex inkunu nistgħu nimxu lejn fażi bħal din Il-Kummissjoni qiegħda tipprovdi għodod fil-livell tal-UE kif ukoll linji gwida, kemm għas-saħħa pubblika kif ukoll għar-rispons ekonomiku, u hekk se tkompli tagħmel. Se jkun importanti li l-Istati Membri jappoġġjaw u jużaw l-istrumenti disponibbli fil-livell tal-UE.
Il-Kummissjoni se tkompli tanalizza l-proporzjonalità tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jaffaċċjaw il-pandemija COVID-19 hekk kif is-sitwazzjoni tevolvi u se tintervjeni biex titlob it-tneħħija tal-miżuri meqjusa sproporzjonati, speċjalment meta jkollhom impatt fuq is-Suq Uniku.
Biex jiġu ssimplifikati l-isforzi ta’ koordinazzjoni, il-Kummissjoni se tkun lesta li tiżviluppa aktar linji gwida, meta jkun meħtieġ jew mitlub, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni gradwali mill-konfinament ġenerali. Aktar ma t-tranżizzjoni tkun ikkoordinata fil-livell tal-UE, aktar jiġu evitati effetti sekondarji aktar negattivi bejn l-Istati Membri u l-implimentazzjoni ta’ miżuri fl-Istati Membri differenti se tissaħħaħ b’mod reċiproku. Il-gwida mill-UE se tqis kif tkun qed tevolvi l-emerġenza tas-saħħa u l-impatt li jkollha fuq is-Suq Uniku. Din se tiġi infurmata mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa u tqis id-diskussjonijiet fir-Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi.
Il-Kummissjoni se tkun qed tinteraġixxi wkoll mal-Istati Membri biex tiddiskuti miżuri u inizjattivi li għandhom jiġu ffinanzjati taħt l-Istrument ta’ Appoġġ ta’ Emerġenza (17) u tipprovdi opportunità lill-Istati Membri biex iressqu talbiet. B’dan il-mod, l-Istrument ta’ Appoġġ ta’ Emerġenza se jipprovdi appoġġ finanzjarju tal-UE biex tiġi ġestita t-tranżizzjoni gradwali mill-kriżi.
Il-koordinazzjoni b’suċċess tat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment fil-livell tal-UE se jkollha wkoll impatt pożittiv fuq l-irkupru tal-UE. Hemm bżonn li jiġi ppjanat b’mod strateġiku l-irkupru b’kuxjenza tal-ħtiġijiet taċ-ċittadini, li fih l-ekonomija teħtieġ li taqbad ir-ritmu u terġa’ taqbad it-triq tat-tkabbir sostenibbli, billi tintegra t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali fuq żewġ partijiet u tislet it-tagħlimiet mill-kriżi attwali għat-tħejjija u r-reżiljenza tal-UE.
(1) https://www.consilium.europa.eu/media/43076/26-vc-euco-statement-en.pdf
(2) Servizzi tal-Kummissjoni; Seth Flaxman, Swapnil Mishra, Axel Gandy et al. Estimating the number of infections and the impact of non-pharmaceutical interventions on COVID-19 in 11 European countries. Imperial College London (2020).
(3) Lil hinn mill-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali, il-Kummissjoni malajr stabbiliet miżuri li jiffaċilitaw l-infiq pubbliku nazzjonali, pereżempju b’qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-qafas fiskali tal-UE se tippermetti wkoll stimulu diskrezzjonali nazzjonali. Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ ekonomiku u finanzjarju mill-baġit tal-UE u l-Bank Ċentrali Ewropew ipprovda appoġġ għall-politika monetarja. Għal ħarsa ġenerali lejn ir-rispons ekonomiku koordinat għat-tifqigħa COVID-19, ara wkoll il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni COM (2020) 112 final tat-13 ta’ Marzu 2020 u COM(2020) 143 final tat-2 ta’ April 2020.
(4) Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), “Coronavirus disease 2019 (COVID-19) in the EU/EEA and the UK – eighth update”, it-8 ta’ April 2020, https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/covid-19-rapid-risk-assessment-coronavirus-disease-2019-eighth-update-8-april-2020.pdf
(5) F’dan il-kuntest, fit-3 ta’ April, il-Kummissjoni adottat Gwida dwar l-Assistenza ta’ Emerġenza tal-UE dwar il-Kooperazzjoni Transfruntiera fil-Kura tas-Saħħa (C (2020) 2153 final) Il-Gwida għandha l-għan li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex tgħin lill-pazjenti fil-bżonn ta’ kura kritika billi toffri kapaċità disponibbli ta’ sodod tal-isptar (kif ukoll professjonisti tas-saħħa) sabiex ittaffi l-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa li mhux ilaħħqu fl-Istati Membri fil-bżonn u fejn ma tpoġġix il-funzjonament tas-sistemi tas-saħħa tagħhom stess f’riskju.
(6) Pereżempju, l-Iskema Ewropea ta’ Riassigurazzjoni tal-Qgħad, kif proposta mill-Kummissjoni fit-2 ta’ April (COM(2020) 139 final), se tappoġġa lil dawk li qegħdin jaħdmu u tipproteġi lil dawk li tilfu xogħolhom matul din il-kriżi filwaqt li tnaqqas il-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi nazzjonali fiċ-ċirkostanzi attwali.
(7) Ir-Rakkomandazzjoni tat-8 ta’ April 2020 dwar sett tal-għodod komuni tal-Unjoni għall-użu tat-teknoloġija u tad-data biex niġġieldu u noħorġu mill-kriżi tal-COVID-19, b’mod partikolari dwar l-applikazzjonijiet mobbli u l-użu ta’ data anonimizzata dwar il-mobbiltà (C(2020) 2296 final).
(8) Il-Kummissjoni hija konxja mis-soluzzjonijiet żviluppati minn konsorzji Ewropej bħall-Pan-European Privacy-Preserving Proximity Tracing (https://www.pepp-pt.org/).
(9) F’dan il-kuntest il-Kummissjoni mobilizzat l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza. Dan huwa l-mezz ġenerali tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriżi, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ solidarjetà u li jippermetti appoġġ dirett rapidu u flessibbli bla preċedent. Addizzjonalment, l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII) tipproponi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex tittaffa l-pressjoni fuq is-sistemi tas-saħħa tagħhom u għaż-żieda tar-reżiljenza biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżijiet fis-sistemi tas-saħħa.
(10) Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati Membri biex telimina projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fi ħdan l-UE skont il-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew li “l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ta’ tagħmir protettiv personali għandha twassal biex jitneħħew kompletament u b’mod effettiv il-forom kollha ta’ projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet interni”. Hija stabbiliet “Punt ċentrali ta’ koordinament għat-tagħmir mediku” li jiffaċilita l-identifikazzjoni tal-provvisti disponibbli, inklużi kits tal-ittestjar u t-tlaqqigħ tagħhom mad-domanda mill-Istati Membri. Dan jinvolvi wkoll kollaborazzjoni mal-industrija dwar iż-żieda fil-produzzjoni mill-manifatturi eżistenti, l-iffaċilitar tal-importazzjonijiet u l-attivazzjoni ta’ modi alternattivi għall-produzzjoni tat-tagħmir. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi sistema ta’ rappurtar għall-Istati Membri biex jispeċifikaw l-eżiġenzi tagħhom ta’ tagħmir mediku, inkluż immappjar ġeografiku. Il-Kummissjoni tappoġġa parteċipanti ġodda fis-suq għal tagħmir protettiv b’dokumenti ta’ gwida apposta. L-informazzjoni dwar id-disponibbiltà u l-kapaċitajiet tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità se tkun kondiviża mal-operaturi tas-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tiċċentralizza l-kumulazzjoni ta’ riżerva ta’ tagħmir mediku għal emerġenza permezz tar-rescEU. Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni diġà kabbret l-isforzi tagħha billi nediet azzjonijiet ta’ akkwist konġunt għal diversi provvisti mediċi, inklużi l-kits tal-ittestjar. Fl-1 ta’ April 2020 ħarġet ukoll gwida dwar l-għażliet u l-flessibbiltajiet disponibbli fi ħdan il-qafas tal-UE għall-akkwist pubbliku għax-xiri tal-provvisti, is-servizzi u l-ħidmiet meħtieġa biex tiġi indirizzata l-kriżi (C(2020) 2078). Barra minn hekk, fit-8 ta’ April 2020 adottat Qafas Temporanju għall-valutazzjoni ta’ kwistjonijiet dwar l-antitrust relatati mal-kooperazzjoni kummerċjali b’reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ urġenza li jirriżultaw mit-tifqigħa attwali tal-COVID-19, sabiex tiżgura l-provvista u d-distribuzzjoni adegwata ta’ prodotti u servizzi essenzjali skarsi matul it-tifqigħa tal-COVID-19 (C(2020) 3200). Fl-istess jum adottat ukoll Linji gwida dwar il-provvista ideali u razzjonali ta’ mediċini biex jiġu evitati skarsezzi matul it-tifqigħa tal-COVID-19 (C(2020) 2272 final).
(11) F’dan il-kuntest fit-8 ta’ April 2020 l-ECDC adotta parir għat-tnaqqis tat-trażmissjoni tal-COVID-19 minn persuni li potenzjalment huma asintomatiċi jew presintomatiċi permezz tal-użu ta’ maskri tal-wiċċ: https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/using-face-masks-community-reducing-covid-19-transmission
(12) ECDCGuidance for discharge and ending isolation in the context of widespread community transmission of COVID-19 (Il-Gwida tal-ECDC għall-ħruġ mill-iżolament u għat-tmiem tiegħu fil-kuntest ta’ trażmissjoni mifruxa komunitarja ta’ COVID-19) - l-ewwel aġġornament, it-8 ta’ April 2020, https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/covid-19-guidance-discharge-and-ending-isolation-first%20update.pdf
(13) il-Kummissjoni ħarġet linji gwida dwar l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema matul it-tifqigħa COVID-19 (C(2020) 2051 final).
(14) Il-Kummissjoni diġà kienet ipproponiet aktar flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli eżistenti dwar l-użu ta’ slots għal-linji tal-ajru (Regolament (UE) 2020/459 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità) u adottat linji gwida dwar il-korsiji ħodor (C(2020) 1897 final) u operazzjonijiet tal-merkanzija biex jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-merkanzija fl-UE (C(2020) 2010 final). Il-Kummissjoni adottat ukoll linji gwida dwar id-drittijiet tal-passiġġieri(C(2020) 1830 final) u dwar il-baħħara, il-passiġġieri u persuni oħra abbord il-bastimenti (C(2020) 3100 final).
(15) Fit-30 ta’ Marzu il-Kummissjoni adottat gwida dwar l-implimentazzjoni ta’ restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE (C(2020) 2050 final). Fit-8 ta’ April, hija adottat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE (COM(2020)148).
(16) https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/using-face-masks-community-reducing-covid-19-transmission
(17) Regolament (UE) 2016/369, ĠU L 70, tas-16.3.2016, p. 1.
17.4.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 126/12 |
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
COVID-19: Gwida dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE fil-qasam tal-proċeduri tal-asil u tar-ritorn u dwar ir-risistemazzjoni
(2020/C 126/02)
Il-virus COVID-19 infirex fid-dinja kollha u skatta miżuri differenti biex tiġi llimitata l-imxija tal-kontaġju. Fl-10 ta’ Marzu 2020, il-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea enfasizzaw il-ħtieġa għal approċċ Ewropew konġunt u koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni (1). B’mod partikolari, il-Ministri għas-Saħħa u għall-Intern ġew mistiedna jaċċertaw koordinazzjoni kif suppost u li fil-mira tagħhom ikollhom gwida Ewropea komuni.
Il-portata tat-theddida globali li għandna quddiemna llum tqiegħed l-enfasi fuq il-ħtieġa assoluta għall-koordinazzjoni tal-UE, sabiex l-impatt potenzjali tal-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali jkun immassimizzat.
Huwa f’dan il-kuntest, li fis-16 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, fejn talbet Restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE minħabba l-COVID-19 (2). L-eżenzjonijiet għal dawn ir-restrizzjonijiet temporanji huma estiżi għall-persuni fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jew li jridu jiddaħħlu fit-territorji tal-Istati Membri għal raġunijiet umanitarji oħra. Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex irażżnu u jillimitaw l-imxija ulterjuri tal-COVID-19 għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet tar-riskju u fuq pariri xjentifiċi, u jridu jibqgħu proporzjonati. Kwalunkwe restrizzjoni fil-qasam tal-asil, tar-ritorn u tar-risistemazzjoni trid tkun proporzjonata, trid tiġi implimentata b’mod nondiskriminatorju u trid tqis il-prinċipju ta’ non-refoulement u l-obbligi skont il-liġi internazzjonali.
Il-pandemija għandha konsegwenzi diretti fuq il-mod kif qed jiġu implimentati r-regoli tal-UE dwar l-asil u r-ritorn mill-Istati Membri, u effett ta’ xkiel fuq ir-risistemazzjoni. Il-Kummissjoni tagħraf kompletament id-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-Istati Membri fil-kuntest attwali meta jimplimentaw ir-regoli rilevanti tal-UE f’dan ir-rigward. Kwalunkwe miżura meħuda fil-qasam tal-asil, ir-risistemazzjoni u r-ritorn għandha wkoll tqis kompletament il-miżuri dwar il-protezzjoni tas-saħħa introdotti mill-Istati Membri fit-territorji tagħhom biex jipprevjenu u jrażżnu l-imxija tal-COVID-19.
F’dan il-kuntest, u sabiex l-Istati Membri jingħataw appoġġ, il-Kummissjoni ħejjiet din il-gwida (il-Gwida), bl-appoġġ tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) mingħajr preġudizzju għall-prinċipju li hija biss il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li tista’ tagħti interpretazzjonijiet awtoritattivi tal-liġi tal-Unjoni.
Il-Gwida tiddeskrivi kif, kemm jista’ jkun possibbli, tista’ tiġi aċċertata l-kontinwità tal-proċeduri filwaqt li tiġi aċċertata mija fil-mija l-protezzjoni tas-saħħa u tad-drittijiet fundamentali tan-nies skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Fl-istess ħin, tfakkar il-prinċipji fundamentali li jridu jibqgħu japplikaw, sabiex l-aċċess għall-proċeduri tal-asil ikompli kemm jista’ jkun matul il-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, l-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali jridu jiġu rreġistrati u pproċessati, anke jekk ikun hemm ċertu dewmien. It-trattament ta’ emerġenza u essenzjali tal-mard, inkluż il-COVID-19, irid jiġi aċċertat.
F’dan ir-rigward, il-Gwida tipprovdi wkoll pariri prattiċi u tidentifika għodod, inkluż billi tindika l-aħjar prattiki emerġenti fl-Istati Membri kif isiru l-proċeduri tal-asil u tar-ritorn u kif jitkomplew l-attivitajiet relatati mar-risistemazzjoni fiċ-ċirkostanzi attwali, minħabba li l-leġiżlazzjoni attwali ma tipprevedix il-konsegwenzi speċifiċi li jirriżultaw minn sitwazzjoni ta’ pandemija.
Sabiex jipprevjenu u jrażżnu l-imxija tal-COVID-19, miżuri tas-saħħa pubblika bħall-iskrinjar mediku, it-tbegħid soċjali u l-kwarantina u l-iżolament għandhom jiġu applikati għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont kif ikun meħtieġ, inkluż għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, għall-persuni risistemati jew għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissoġġornaw illegalment fl-Unjoni dment li dawn il-miżuri jkunu raġonevoli, proporzjonati u nondiskriminatorji.
Il-gwida prattika inkluża tul id-dokument għandha l-għan li tipprovdi eżempji ta’ dak li huwa possibbli li jsir fil-limiti tal-acquis, li jista’ jintuża kif xieraq minn kull Stat Membri filwaqt li jitqiesu r-riżorsi disponibbli u l-prattiki nazzjonali li diġà jeżistu.
Il-Gwida tkopri b’mod partikolari:
L-asil: ir-reġistrazzjoni u t-tressiq ta’ applikazzjonijiet, il-modalitajiet għat-twettiq ta’ intervisti u l-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza inkluża d-detenzjoni, kif ukoll il-proċeduri skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament ta’ Dublin”).
Ir-risistemazzjoni: il-modalitajiet prattiċi, sa fejn ikun possibbli, ikomplu l-operazzjonijiet preparatorji sabiex b’hekk ir-risistemazzjonijiet ikunu jistgħu jissoktaw mingħajr intoppi malli dan jerġa’ jkun possibbli.
Ir-ritorn: miżuri prattiċi li jistgħu jiffaċilitaw it-twettiq tal-proċeduri tar-ritorn fiċ-ċirkostanzi attwali, l-appoġġ għar-ritorn volontarju u għar-riintegrazzjoni, il-protezzjoni tal-migranti mill-konsegwenzi mhux intenzjonati tal-miżuri restrittivi fuq l-ivvjaġġar internazzjonali, il-garanzija ta’ aċċess għal servizzi essenzjali adegwati, kif ukoll kjarifika dwar f’liema kondizzjonijiet id-detenzjoni tal-migranti irregolari tkun raġonevoli u proporzjonata.
L-għoti ta’ gwida huwa eżerċizzju dinamiku, li jaf ikollu bżonn jevolvi. Dan se jiġi kkomplementat minn attivitajiet mill-aġenziji rilevanti tal-UE fl-għamla ta’ laqgħat tematiċi ddedikati (3) biex jassistu lill-Istati Membri b’pariri prattiċi addizzjonali u biex jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiċi. Barra minn hekk, hija disponibbli wkoll gwida ġenerali mill-EASO dwar diversi kwistjonijiet speċifiċi ewlenin koperti minn din il-Gwida (4).
1. L-asil
Il-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali biex tiġi limitata l-interazzjoni soċjali fost il-persunal tal-asil u l-applikanti għall-asil għandhom impatt fuq il-proċessi tal-asil. Billi l-awtoritajiet sanitarji nazzjonali jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju u l-pariri xjentifiċi, biex irażżnu u jkomplu jillimitaw l-imxija tal-COVID-19, tali miżuri għandhom ikunu proporzjonati u skont il-liġi tal-UE, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għalhekk, anke jekk ikun hemm dewmien, l-applikazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali trid tiġi rreġistrata mill-awtoritajiet u jridu jkunu jistgħu jressquha. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-qagħda tal-persuni vulnerabbli, tal-familji u tal-minorenni (inklużi minorenni mhux akkumpanjati), u l-applikanti kollha għall-protezzjoni internazzjonali jridu jiġu ttrattati b’dinjità, u għall-inqas għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw u jeżerċitaw id-drittijiet bażiċi tagħhom.
Fir-rigward tal-proċeduri tal-asil, peress li sitwazzjoni bħal dik li rriżultat mill-pandemija tal-COVID-19 ma kinitx prevista fid-Direttiva 2013/32/UE (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil”), tista’ tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni ta’ regoli derogatorji bħal dawk stabbiliti fid-Direttiva f’każ ta’ numru kbir ta’ applikazzjonijiet simultanji (5). Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament Eurodac”) jipprevedi b’mod speċifiku l-possibbiltà li jiġi pospost il-ġbir tal-marki tas-swaba’ minħabba miżuri meħuda għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika (6).
Fir-rigward tar-responsabbiltà għall-eżaminar tal-applikazzjonijiet, fir-Regolament ta’ Dublin hemm lok għal flessibbiltà rigward, b’mod partikolari, l-intervisti personali, il-proċeduri tar-riunifikazzjoni tal-familja għall-minorenni mhux akkumpanjati, u l-applikazzjoni ta’ klawżoli diskrezzjonali.
Fir-rigward tal-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-possibbiltà skont id-Direttiva 2013/33/UE (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta’ Akkoljenza”) li b’mod eċċezzjonali jistabbilixxu, f’każijiet ġustifikati kif suppost u għal perjodu raġonevoli li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, modalitajiet differenti għall-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza minn dawk li jkunu meħtieġa normalment (7). Tali modalitajiet iridu fi kwalunkwe każ ikopru l-ħtiġijiet bażiċi inkluż il-kura tas-saħħa. Il-miżuri ta’ kwarantina jew ta’ iżolament għall-prevenzjoni tal-imxija tal-COVID-19 mhumiex irregolati mill-acquis tal-UE dwar l-asil. Tali miżuri jistgħu jiġu imposti wkoll fuq l-applikant għall-asil f’konformità mal-liġi nazzjonali, dment li jkunu neċessarji, proporzjonati u nondiskriminatorji.
1.1. Il-proċeduri tal-asil
Fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura tal-protezzjoni internazzjonali, fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi applikat it-tbegħid soċjali u minħabba n-nuqqas ta’ persunal, diversi Stati Membri rrapportaw l-għeluq tal-amministrazzjonijiet tal-asil jew l-aċċess biss b’notifika minn qabel permezz ta’ servizzi elettroniċi jew bit-telefown. L-Istati Membri rrapportaw ukoll restrizzjonijiet fis-servizz b’rabta mar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali. Xi Stati Membri speċifikaw li inġenerali r-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet hija sospiża jew hija permessa biss għal każijiet eċċezzjonali u/jew għal persuni vulnerabbli.
L-Artikolu 6(5) ta’ dik id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil jippermetti lill-Istati Membri jestendu l-limitu ta’ żmien għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet sa għaxart ijiem ta’ xogħol fejn applikazzjonijiet simultanji minn numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jagħmluha diffiċli ħafna fil-prattika li jiġu rispettati dawk il-limiti ta’ żmien. Għandu jkun possibbli li l-Istati Membri japplikaw din ir-regola derogatorja għal perjodu limitat ta’ żmien meta jkun diffiċli ħafna fil-prattika għall-awtoritajiet nazzjonali li jirrispettaw il-limitu ta’ tlett ijiem jew ta’ sitt ijiem għar-reġistrazzjoni b’riżultat tas-sitwazzjoni tal-COVID-19, li jista’ jkollha impatt simili, fid-dawl tal-fini ġenerali tal-leġiżlazzjoni u l-interessi kkonċernati, għal diffikultà li tirriżulta minn numru kbir ta’ applikazzjonijiet simultanji meta jitqies li l-leġiżlazzjoni attwali ma tipprevedix iċ-ċirkostanzi speċifiċi li jirriżultaw minn sitwazzjoni ta’ pandemija. Fi kwalunkwe każ, kwalunkwe dewmien ulterjuri fir-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet ma għandux jaffettwa d-drittijiet tal-applikanti skont id-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta’ Akkoljenza li japplikaw mill-mument li fih issir l-applikazzjoni.
F’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil, l-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-informazzjoni dwar il-bidliet fir-rigward tar-reġistrazzjoni u t-tressiq tal-applikazzjonijiet tingħata lill-persunal tal-awtoritajiet li x’aktarx jirċievi applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali (bħall-pulizija, il-gwardji tal-fruntiera, l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u l-persunal tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni) sabiex ikun jista’ jirreferi l-każijiet għar-reġistrazzjoni u jinforma lill-applikanti fejn u kif jistgħu jressqu l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.
Gwida prattika:
|
It-tressiq tal-applikazzjonijiet
F’xi Stati Membri l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jistgħu jitressqu permezz tal-posta. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li, meta jkun meħtieġ, għandu jkun possibbli li l-applikazzjonijiet jitressqu permezz ta’ formola bil-posta jew preferibbilment online. F’konformità mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil, imbagħad l-applikazzjoni titqies li tressqet ladarba l-formola tkun waslet għand l-awtoritajiet kompetenti.
Gwida prattika:
|
Intervisti personali:
Ħafna Stati Membri pposponew l-intervisti personali. Oħrajn qed jorganizzaw l-intervisti b’arranġamenti speċifiċi, billi jużaw il-vidjokonferenzi jew billi jinstallaw ħġieġa ta’ sikurezza. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li kemm jista’ jkun l-Istati Membri jużaw tali arranġamenti temporanji speċifiċi dment li jiġu stabbiliti l-arranġamenti xierqa rigward il-faċilitajiet u jiġu aċċertati l-interpretazzjoni kif ukoll l-aċċess għall-assistenza u għar-rappreżentazzjoni legali mill-awtoritajiet kompetenti.
L-Istati Membri jistgħu jużaw l-Artikolu 14(2)(b) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil u ma jagħmlux l-intervista personali, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, partikolarment jekk ikun hemm indikazzjonijiet raġonevoli li jissuġġerixxu li applikant jaf qabditu l-COVID-19. F’tali każijiet, għandhom isiru sforzi raġonevoli biex l-applikant ikun jista’ jippreżenta aktar informazzjoni. In-nuqqas ta’ intervista personali ma għandhiex tinċidi negattivament fuq id-deċiżjoni tal-awtorità determinanti.
Barra minn hekk, meta jkun permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa possibbli li jitwettaq l-eżami preliminari ta’ ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti abbażi ta’ preżentazzjoni bil-miktub biss, mingħajr ma ssir intervista personali f’konformità mal-Artikolu 42(2)(b) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil.
Gwida prattika:
|
Limitu ta’ żmien għall-konklużjoni tal-proċedura ta’ eżami
L-Artikolu 31(3)(b) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil jippermetti lill-Istati Membri jestendu l-perjodu ta’ sitt xhur għall-konklużjoni tal-eżaminar tal-applikazzjonijiet b’perjodu li ma jaqbiżx disa’ xhur oħra meta numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi japplikaw simultanjament għall-protezzjoni internazzjonali u jagħmluha diffiċli fil-prattika li l-eżaminar jiġi konkluż f’dan il-limitu ta’ żmien. Għandu jkun possibbli li l-Istati Membri japplikaw din ir-regola derogatorja temporanja meta jkun diffiċli ħafna fil-prattika għalihom li jirrispettaw il-limitu ta’ sitt xhur għall-eżaminar ta’ applikazzjonijiet bħala riżultat tas-sitwazzjoni tal-COVID-19, li jista’ jkollha impatt simili, fid-dawl tal-fini ġenerali tal-leġiżlazzjoni u l-interessi kkonċernati, għal diffikultà li tirriżulta minn numru kbir ta’ applikazzjonijiet simultanji, meta jitqies li ċ-ċirkostanzi speċifiċi li jirriżultaw minn sitwazzjoni ta’ pandemija ma kinux previsti mill-koleġiżlatur.
1.2 Ir-Regolament ta’ Dublin
It-trasferimenti skont ir-Regolament ta’ Dublin
L-EASO bagħat domanda (8) lill-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni tat-trasferimenti skont ir-Regolament ta’ Dublin u l-Kummissjoni tat segwitu għal din id-domanda b’talba għal data speċifika. Abbażi tat-tweġibiet mill-Istati Membri, mit-30 ta’ Marzu 2020 in-numru massimu ta’ każijiet li fihom il-fatt li attwalment l-applikanti ma setgħux jiġu ttrasferiti lejn l-Istat Membru responsabbli minħabba l-COVID-19 irriżulta f’bidla fir-responsabbiltà, huwa ta’ ftit aktar minn 1,000 każ (9) mill-25 ta’ Frar 2020 ’l hawn, u s-sitwazzjoni affettwat sitt Stati Membri.
Abbażi tat-tweġibiet tal-Istati Membri, hu stmat li 25 Stat Membru se jkollhom massimu ta’ 6,000 każ li fihom ir-responsabbiltà tista’ tinbidel qabel l-1 ta’ Ġunju 2020 jekk it-trasferimenti ma jitkomplewx minħabba l-COVID-19. Madankollu, xi Stati Membri, inklużi Stati Membri b’numri kbar ta’ każijiet ta’ trasferimenti skont ir-Regolament ta’ Dublin, ma setgħux inaqqsu l-każijiet li fihom il-persuna ħarbet jew il-każ għadu pendenti fil-livell amministrattiv jew quddiem qorti jew tribunal, jew ma setgħux jidentifikaw il-limiti ta’ żmien individwali u għalhekk ibbażaw in-numru ta’ każijiet li fihom ir-responsabbiltà tista’ tinbidel fuq stima. Għalhekk, in-numru mistenni ta’ każijiet li fihom ir-responsabbiltà tista’ tinbidel minħabba l-COVID-19 fix-xahrejn li ġejjin se jkun ferm iktar baxx.
Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri hija ta’ importanza fundamentali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema skont ir-Regolament ta’ Dublin. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jissoktaw bit-trasferimenti malli jkun possibbli fil-prattika fid-dawl taċ-ċirkostanzi li qed jevolvu. Il-Kummissjoni u l-EASO lesti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, inkluża l-kooperazzjoni bilaterali, kif ikun meħtieġ.
Qabel ma jwettqu kwalunkwe trasferiment, l-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni b’rabta mal-COVID-19, inkluż is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-pressjoni kbira fuq is-sistema tas-saħħa, fl-Istat Membru responsabbli. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom iqisu kif dovut li ma jdewmux l-eżaminar tal-applikazzjonijiet, filwaqt li jqisu s-sitwazzjoni attwali.
Meta trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli ma jsirx fil-limitu ta’ żmien applikabbli, ir-responsabbiltà tgħaddi għand l-Istat Membru li jkun talab it-trasferiment f’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regolament ta’ Dublin. L-ebda dispożizzjoni tar-Regolament ma tippermetti li wieħed jidderoga minn din ir-regola f’sitwazzjoni bħal dik li tirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19.
Fir-rigward tal-minorenni mhux akkumpanjati, il-proċedura għar-riunifikazzjoni mal-membri tal-familja, mal-aħwa jew mal-qraba tista’ titkompla anke wara l-iskadenza tal-limiti ta’ żmien tat-trasferiment stabbiliti fl-Artikolu 29 meta dan ikun fl-aħjar interessi tal-minorenni u meta d-durata tal-proċedura għall-kollokament tal-minorenni tkun wasslet biex ma jiġix osservat dan il-limitu ta’ żmien, kif previst fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ta’ Dublin (10).
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament ta’ Dublin, fi kwalunkwe żmien qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq is-sustanza ta’ applikazzjoni, Stat Membru jista’ jitlob biex Stat Membru ieħor jieħu ħsieb l-applikanti għal kwalunkwe riunifikazzjoni tal-familja, minħabba raġunijiet umanitarji bbażati b’mod partikolari fuq kunsiderazzjonijiet kulturali jew tal-familja, anki meta Stat Membru, fil-prinċipju, ma jkunx responsabbli. Din ir-regola tista’ tiġi applikata wkoll f’każijiet meta l-kriterji vinkolanti rigward ir-riunifikazzjoni tal-familja kienu applikabbli, iżda peress li ma setax jitwettaq trasferiment minħabba l-COVID-19 ma setgħux jiġu rrispettati l-limiti ta’ żmien tat-trasferiment.
Meta jitqies li ċ-ċirkostanzi speċifiċi li jirriżultaw minn sitwazzjoni ta’ pandemija ma kinux previsti mill-koleġiżlaturi, għandu jkun possibbli li l-Istati Membri japplikaw tali klawżola diskrezzjonali, anke meta l-objettiv ma jkunx ir-riunifikazzjoni tal-familja.
L-Istati Membri jistgħu jaqblu fuq bażi bilaterali u każ b’każ li, wara li jkunu jistgħu jitkomplew it-trasferimenti skont ir-Regolament ta’ Dublin, l-Istati Membri li kienu responsabbli għall-applikanti qabel is-sospensjoni jaċċettaw li jerġgħu jkunu responsabbli għall-applikanti kkonċernati.
L-applikazzjoni ta’ din ir-regola tkun teħtieġ il-kunsens tal-applikant, kif meħtieġ mill-Artikolu 17(2).
Il-proċeduri skont ir-Regolament ta’ Dublin
L-intervisti: Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Dublin, l-Istati Membri mhumiex obbligati jagħmlu intervista personali meta l-applikant ikun irċieva informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament (11) u jkun diġà pprovda l-informazzjoni rilevanti biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli b’mezzi oħra. Dment li dawn il-kondizzjonijiet ikunu ssodisfati, tali ommissjoni tista’ titqies bħala miżura xierqa b’mod partikolari jekk ikun hemm suspett li applikant qabditu l-COVID-19. Meta intervista ma ssirx, l-Istat Membru għandu jiżgura li qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ trasferiment, l-applikant ikollu l-opportunità jibgħat informazzjoni ulterjuri li tkun rilevanti biex jiġi ddeterminat b’mod korrett l-Istat Membru responsabbli.
Prijorità lill-każijiet tal-minorenni mhux akkumpanjati u tal-għaqda tal-familja: F’sitwazzjoni li fiha l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri qed jaġġustaw il-prassi tax-xogħol li jistgħu jaffettwaw il-kapaċità li jiġu ttrattati fil-ħin il-każijiet kollha skont ir-Regolament ta’ Dublin, l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lill-ipproċessar tal-każijiet tal-minorenni mhux akkumpanjati, ta’ persuni vulnerabbli oħra, jew tal-għaqda tal-familja.
Il-konnettività tal-IT: Minħabba l-obbligu tal-Istati Membri li jikkomunikaw ma’ xulxin permezz ta’ DubliNet, u f’sitwazzjoni ta’ prassi aġġustata tax-xogħol li hija adottata minn ħafna Stati Membri, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw, bħala prijorità, kif il-konnessjoni ma’ DubliNet tista’ tinżamm jew tkun disponibbli fil-kuntest tal-arranġamenti tat-telexogħol, sabiex ikun possibbli li jitkompla l-ipproċessar tal-każijiet skont ir-Regolament ta’ Dublin, filwaqt li jaċċertaw il-protezzjoni tad-data f’konformità mal-liġi tal-UE
Gwida prattika:
|
1.3 Il-previżjoni ta’ kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti għall-asil
L-iskrinjar tas-saħħa: Ħafna Stati Membri introduċew skrinjar mediku aktar strett għall-applikanti u ttestjar obbligatorju għall-COVID-19 għall-wasliet il-ġodda. F’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta’ Akkoljenza, l-Istati Membri jistgħu jipproċedu għall-iskrinjar mediku tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika, sabiex jidentifikaw il-miżuri ta’ prekawzjoni xierqa li għandhom jimplimentaw, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji tal-proporzjonalità, tan-neċessità u tan-nondiskriminazzjoni.
Il-kura tas-saħħa: L-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta’ Akkoljenza jeżiġi li l-applikanti jirċievu l-kura tas-saħħa meħtieġa, li għandha tinkludi, mill-inqas, il-kura ta’ emerġenza u t-trattament essenzjali tal-mard u ta’ disturbi mentali serji. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jaċċertaw li tali kura tas-saħħa tinkludi, meta jkun meħtieġ, it-trattament għall-COVID-19.
Il-kwarantina/l-iżolament: Ħafna Stati Membri qed jużaw miżuri ta’ kwarantina jew ta’ iżolament għall-prevenzjoni tal-imxija tal-COVID-19. Tali miżuri mhumiex irregolati mid-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta’ Akkoljenza. Il-miżuri ta’ kwarantina jew ta’ iżolament jistgħu jiġu applikat fir-rigward tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali abbażi tal-liġi nazzjonali, dment li tali miżuri jkunu raġonevoli, proporzjonati u nondiskriminatorji. Dan ifisser, b’mod partikolari, li Stat Membru jista’ japplika miżuri ta’ kwarantina/iżolament biss fir-rigward tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jaslu fil-fruntieri tiegħu dment li japplika miżuri ta’ dak it-tip, għalkemm mhux neċessarjament identiċi, fir-rigward tal-persuni kollha li jaslu minn żoni affettwati mill-pandemija u miżuri xierqa fir-rigward ta’ persuni li diġà huma preżenti fit-territorju tiegħu.
Gwida prattika:
|
Kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza
Xi Stati Membri għalqu ċerti faċilitajiet, pereżempju ċ-ċentri tal-wasla, iżda fetħu faċilitajiet oħra, pereżempju postijiet ta’ kenn ta’ emerġenza. Xi Stati Membri qed inaqqsu wkoll ir-rata ta’ okkupanza tal-faċilitajiet u jillimitaw l-aċċess jew iż-żjarat tagħhom biex jevitaw il-moviment tan-nies.
Skont id-dritt tal-UE, minn meta persuna tagħmel applikazzjoni, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jipprovdu standard tal-għajxien adegwat għall-applikanti, li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom u jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom.
Meta jiġu pprovduti kundizzjonijiet ta’ akkoljenza f’faċilitajiet ta’ akkoljenza kollettivi, il-Kummissjoni tirrakkomanda li tintuża l-kapaċità ta’ akkoljenza sħiħa tal-Istati Membri biex, sa fejn possibbli, tipprovdi biżżejjed tbegħid soċjali bejn l-applikanti, filwaqt li tiżola lil dawk li huma f’riskju. Dawn il-miżuri jistgħu jservu kemm bħala azzjoni preventiva, kif ukoll bħala miżura reattiva fir-rigward ta’ dawk li jittestjaw pożittiv, b’attenzjoni partikolari għall-gruppi vulnerabbli, inkluż l-applikanti b’diżabbiltà, l-anzjani jew ir-residenti bi tħassib eżistenti dwar is-saħħa.
Gwida prattika:
|
Miżuri preventivi u iġjeniċi
L-Istati Membri kollha diġà poġġew fis-seħħ miżuri speċjali ta’ iġjene u jiddiżinfettaw il-faċilitajiet ta’ akkoljenza b’mod regolari. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li dawn il-miżuri preventivi u iġjeniċi jitkomplew u jkollhom lir-residenti kif ukoll lill-persunal li jaħdem fil-faċilitajiet kollettivi fil-mira tagħhom.
Gwida prattika:
|
Modalitajiet differenti għal kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza
Xi Stati Membri qed jipprovdu servizz aktar limitat fil-faċilitajiet ta’ akkoljenza billi, pereżempju, jissospendu l-attivitajiet ta’ grupp u l-konsulenza wiċċ imb wiċċ.
Jekk, minħabba l-COVID-19, l-awtorità ta’ akkoljenza ma jkollhiex biżżejjed persunal jew riżorsi biex tiżgura li l-faċilitajiet ta’ akkoljenza disponibbli jiffunzjonaw b’mod adegwat, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-possibbiltà ppreżentata fl-Artikolu 18(9)(b) tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza sabiex, f’każijiet debitament ġustifikati u għal perjodu raġonevoli li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, jipprovdu modalitajiet għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li jkunu differenti minn dawk li huma meħtieġa normalment. F’kull każ, dawn il-kundizzjonijiet differenti għandhom ikopru l-bżonnijiet bażiċi tal-applikanti, b’mod partikolari l-kura tas-saħħa, is-sussistenza, kif ukoll is-sikurezza fiżika u d-dinjità.
Gwida prattika:
|
Edukazzjoni lit-tfal
Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-ulied minorenni tal-applikanti u lill-applikanti minorenni aċċess għall-edukazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tagħhom.
L-aċċess kontinwu għall-edukazzjoni huwa sfida li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiffaċċjaw minħabba l-miżuri li għandhom l-għan li jevitaw u jikkontrollaw il-COVID-19 milli tinfirex. F’dan il-kuntest, diversi Stati Membri daħħlu fis-seħħ l-edukazzjoni mid-dar jew modalitajiet oħra ta’ tagħlim mill-bogħod. Jekk dawn il-modalitajiet ikunu għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini, il-miżuri li jittieħdu għandhom iqisu l-aħjar interessi tat-tfal f’konformità mal-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza u, jekk possibbli, l-età u l-bżonnijiet tal-minorenni kkonċernati. L-edukazzjoni tista’ tingħata wiċċ imb wiċċ fiċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni jekk din tkun kompatibbli mar-regoli tat-tbegħid soċjali.
Gwida prattika:
|
Applikanti detenuti f’konformita mad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza:
Rigward l-applikanti detenuti abbażi tar-raġunijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza, f’konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza, “is-saħħa, inkluża s-saħħa mentali, tal-applikanti f’detenzjoni li jkunu persuni vulnerabbli għandha tkun it-tħassib ewlieni tal-awtoritajiet nazzjonali” (pereżempju l-COVID-19).
Gwida prattika:
|
1.4 Regolament Eurodac
Teħid u trażmissjoni tal-marki tas-swaba’
L-Artikolu 9(2) tar-Regolament Eurodac jipprovdi li, fejn mhux possibbli li jittieħdu l-marki tas-swaba’ ta’ applikant minħabba miżuri li ttieħdu sabiex tiġi żgurata s-saħħa tal-applikant jew il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-Istati Membri għandhom jieħdu u jibagħtu dawn il-marki mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 48 siegħa wara li dawn ir-raġunijiet ta’ saħħa ma jibqgħux validi.
Għandhom jittieħdu l-marki tas-swaba’ taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu taħt l-obbligu li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’, mill-aktar fis possibbli, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa pubblika.
2. Risistemazzjoni
It-tifqigħa tal-kriżi tal-COVID-19 wasslet għal tfixkil serju tal-operazzjonijiet ta’ risistemazzjoni: l-Istati Membri, l-UNHCR u l-IOM issospendew temporanjament l-operazzjonijiet ta’ risistemazzjoni. Barra minn hekk, l-UNHCR issospenda l-evakwazzjonijiet umanitarji ta’ emerġenza bil-ħsieb li jkun hemm risistemazzjonijiet ulterjuri. Għall-istess raġunijiet, bħalissa hemm problemi bl-aċċess għall-pajjiżi terzi li jospitaw lir-refuġjati.
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi dan il-kuntest diffiċli u l-impatt li qed ikollu fuq l-implimentazzjoni prattika tal-wegħdiet li għamlu l-Istati Membri ta’ 29 500 post ta’ risistemazzjoni għall-2020. Madankollu, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu juru solidarjetà mal-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u mal-pajjiżi terzi li jospitaw għadd kbir ta’ refuġjati. L-impatt tal-COVID-19 fuq is-sitwazzjoni f’dawn il-pajjiżi terzi jista’ jrendi l-bżonnijiet ta’ risistemazzjoni saħansitra aktar urġenti.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri, sa fejn ikun prattikabbli f’konformità mal-miżuri tas-saħħa ta’ emerġenza li ttieħdu, biex ikomplu bl-attivitajiet relatati mar-risistemazzjoni matul il-perjodu tal-kriżi biex ikunu lesti biex ikomplu bir-risistemazzjonijiet taħt kundizzjonijiet sikuri għal kull min ikun involut, meta dan jerġa’ jkun possibbli.
Minħabba l-interruzzjonijiet attwali tal-operazzjonijiet tar-risistemazzjoni, il-Kummissjoni se tappoġġja lill-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni tal-wegħdiet tagħhom tal-2020, u se tkun flessibbli b’mod partikolari fir-rigward tal-perjodu ta’ implimentazzjoni lil hinn mil-2020 biex tiżgura li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jimplimentaw bis-sħiħ il-wegħdiet li għamlu taħt l-eżerċizzju tal-wegħdiet tal-2020.
Gwida prattika:
|
3. Ritorn
Din it-taqsima għandha l-għan li tagħti gwida biex l-awtoritajiet nazzjonali jiġu appoġġjati biex jidentifikaw il-miżuri possibbli li jistgħu jittieħdu biex jiżguraw il-kontinwità u s-sikurezza tal-proċeduri tar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn il-pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ tranżitu tagħhom fil-kuntest tal-pandemija attwali tal-COVID-19.
Meta jwettqu azzjonijiet u proċeduri ta’ ritorn, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jridu jqisu bis-sħiħ il-miżuri nazzjonali ta’ protezzjoni tas-saħħa li għandhom l-għan li jevitaw u jikkontrollaw lill-COVID-19 milli tinfirex u japplikawhom b’mod proporzjonat u mhux diskriminatorju għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz f’soġġorn illegali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni u l-bżonnijiet tal-persuni vulnerabbli. Għandha titqies ukoll is-sitwazzjoni partikolari fil-pajjiż terz fir-rigward tal-miżuri nazzjonali ta’ protezzjoni tas-saħħa u l-impatt tal-COVID-19.
Il-miżuri li ttieħdu madwar id-dinja biex tiġi kkontrollata l-pandemija tal-COVID-19 qed ikollhom effett sinifikanti fuq ir-ritorn tal-migranti irregolari. L-Istati Membri qed jiffaċċjaw diffikultajiet prattiki biex iwettqu attivitajiet u operazzjonijiet ta’ ritorn lejn pajjiżi terzi, anke minħabba t-tnaqqis fid-disponibbiltà tal-persunal tal-awtoritajiet tal-immigrazzjoni li jista’ jkun ukoll responsabbli għall-miżuri tas-saħħa pubblika. Dawn id-diffikultajiet huma primarjament relatati ma’ sfidi fl-implimentazzjoni ta’ miżuri tas-saħħa u tas-sikurezza biex jiġu protetti kemm iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’soġġorn irregolari kif ukoll il-persunal li jaħdem fuq ir-ritorn.
Id-diffikultajiet huma relatati wkoll mat-tnaqqis sinifikanti fid-disponibbiltà tat-titjiriet kummerċjali u mezzi oħra ta’ trasport, u l-miżuri restrittivi ta’ dħul introdotti mill-pajjiżi terzi bil-ħsieb li jikkontrollaw lill-COVID-19 milli tinfirex. Il-Frontex tagħti aġġornamenti regolari dwar il-miżuri li jieħdu l-operaturi tal-ajru u l-pajjiż terzi fl-Applikazzjoni tal-Ġestjoni tal-Migrazzjoni Irregolari (IRMA). F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa ta’ dawk li jipparteċipaw f’operazzjonijiet, proċeduri u attivitajiet ta’ ritorn.
Minkejja l-interruzzjoni temporanja li kkawżaw dawn il-miżuri meħtieġa, il-ħidma fuq ir-ritorn għandha titkompla, b’mod partikolari billi jiġu implimentati dawk l-attivitajiet li jistgħu jitwettqu minkejja l-miżuri restrittivi (pereżempju l-identifikazzjoni, id-dokumentazzjoni mill-ġdid, ir-reġistrazzjoni fi programmi ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni), biex dawn ikunu lesti għal meta jkunu jistgħu jitwettqu l-operazzjonijiet ta’ ritorn. Il-proċeduri ta’ ritorn għandhom ikomplu sa fejn possibbli u l-Istati Membri għandhom ikunu lesti, anke bl-appoġġ tal-Frontex, li jkomplu bil-proċeduri ta’ ritorn u jindirizzaw il-proċeduri akkumulati meta tintemm l-interruzzjoni li kkawżaw il-miżuri restrittivi. Il-Kummissjoni u l-Frontex se jappoġġjaw lill-awtoritajiet nazzjonali fil-koordinazzjoni tal-isforzi tagħhom.
Ir-ritorn tal-migranti irregolari li jkunu għażlu li jitilqu mit-territorju tal-UE b’mod volontarju għandu jkompli jiġi appoġġjat u promoss b’mod attiv, filwaqt li jittieħdu l-prekawzjonijiet sanitarji kollha meħtieġa. Aktar minn qatt qabel, ir-ritorn volontarju għandu jkun prijoritizzat billi dan inaqqas ir-riskji ta’ saħħa u sikurezza tal-operazzjonijiet ta’ ritorn, inkluż billi jitnaqqsu r-riskji għall-migranti irregolari u għall-persunal involut li jakkumpanjahom.
L-awtoritajiet nazzjonali qed jiffaċċjaw sfidi prattiċi dwar kif jindirizzaw id-detenzjoni ta’ qabel it-tneħħija meta jimplimentaw miżuri biex jevitaw u jipproteġu kontra r-riskju ta’ kontaġju u tal-imxija tal-COVID-19.
Għandhom jinżammu kooperazzjoni mill-qrib u kuntatti mal-pajjiżi terzi rigward l-identifikazzjoni, id-dokumentazzjoni mill-ġdid u r-ritorn taċ-ċittadini tagħhom, filwaqt li jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ it-tħassib tagħhom u l-miżuri restrittivi li jkunu ħadu huma u jieħdu l-miżuri sanitarji ta’ prekawzjoni kollha meħtieġa. Skont id-dritt internazzjonali, il-pajjiżi terzi għad għandhom obbligu ta’ riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom stess. Ħafna pajjiżi terzi qed jippruvaw jiffaċilitaw u jorganizzaw ir-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tagħhom maqbudin barra minn pajjiżhom, filwaqt li jieħdu l-miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa li japplikaw malli jaslu. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi biex jiżguraw li dawn il-miżuri tas-saħħa pubblika jiġu rispettati bis-sħiħ meta l-migranti irregolari jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, biex kemm jista’ jkun l-operazzjonijiet ta’ ritorn ikunu jistgħu jsiru. Il-Kummissjoni hija lesta li tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi ta’ kooperazzjoni tagħhom għar-riammissjoni mal-pajjiżi terzi.
Il-Frontex hija lesta li tassisti lill-Istati Membri jorganizzaw l-operazzjonijiet ta’ ritorn kollha lejn il-pajjiżi terzi bl-ajru, speċjalment biex tiffaċilita r-ripatrijazzjoni ta’ kemm dawk li jirritornaw b’mod volontarju kif ukoll dawk li jirritornaw bil-forza b’titjiriet skedati jew charter, u biex toffri l-assistenza li tista’ tkun meħtieġa mill-awtoritajiet nazzjonali.
Minkejja l-isforzi raġonevoli kollha, se jkun hemm każijiet li fihom ir-ritorni ma jkunux jistgħu jsiru minħabba l-miżuri li ttieħdu biex tiġi kontrollata l-pandemija tal-COVID-19. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa li jagħtu permess ta’ residenza jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn lill-migranti irregolari minħabba raġunijiet umanitarji, ta’ kumpassjoni jew minħabba raġunijiet oħra, kif previst fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115/KE (minn issa ’l quddiem “id-Direttiva dwar ir-Ritorn”).
Proċeduri ta’ ritorn
Il-miżuri nazzjonali introdotti biex jevitaw u jikkontrollaw lill-COVID-19 milli tinfirex jillimitaw il-possibbiltajiet li l-awtoritajiet tar-ritorn ikollhom kuntatti diretti mal-persuni rimpatrijati u mal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi.
Jenħtieġ li jitnaqqsu l-konsegwenzi ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, biex jiġi żgurat li l-miżuri li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu waqt il-proċeduri amministrattivi jkunu bbażati fuq iċ-ċirkustanzi individwali ta’ kull migrant irregolari, iqisuhom kif xieraq, u jiggarantixxu d-dritt li jinstemgħu, f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw mezzi alternattivi li ma jirrikjedux, jew li jnaqqsu, il-preżenza fiżika taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti.
Huwa rakkomandat bil-qawwi wkoll li jittieħed approċċ simili sabiex il-mezzi ta’ komunikazzjoni u ta’ kooperazzjoni jinżammu miftuħa mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, fi żmien meta l-persunal konsulari ta’ ħafna pajjiżi qed isir ukoll inqas disponibbli għal proċeduri ta’ identifikazzjoni u ta’ dokumentazzjoni mill-ġdid minħabba l-miżuri restrittivi. Dan jiffaċilita l-kjarifika u l-avvanz tal-proċedimenti f’każijiet individwali u, għaldaqstant, ir-ritorn ladarba s-sitwazzjoni tippermetti.
Minkejja l-limitazzjonijiet attwali, ir-ritorni volontarji għadhom l-aktar għażla vijabbli biex il-migranti irregolari jiġu appoġġjati fit-tluq tagħhom. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jiġu promossi l-possibbiltajiet ta’ ritorn volontarju, inkluż l-opportunitajiet ta’ assistenza għar-riintegrazzjoni, u li tiġi żgurata l-kontinwità tal-programmi nazzjonali tar-ritorn volontarju assistit u r-riintegrazzjoni, filwaqt li jitqies l-impatt li l-COVID-19 għandha fil-pajjiżi terzi. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma lesti li jirreġistraw għal dawn il-programmi għandhom ikunu jistgħu jkomplu jagħmlu dan, u l-attivitajiet ta’ konsulenza dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni għandhom jitkomplew sa fejn possibbli, bl-użu ta’ għodod li jnaqqsu jew li ma jeħtiġux qrubija fiżika.
Gwida prattika:
|
Perjodu għat-tluq volontarju
Minħabba r-restrizzjonijiet sinifikanti fuq it-titjiriet kummerċjali u l-miżuri restrittivi li l-pajjiżi terzi introduċew fuq il-wasliet mill-Ewropa, jista’ jkun li ċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li jkunu soġġetti għal deċiżjonijiet ta’ ritorn li jagħtu perjodu għal tluq volontarju ma jkunux jistgħu jikkonformaw ma’ din id-deċiżjoni fil-perjodu ta’ żmien stabbilit minkejja l-aħjar sforzi u intenzjonijiet tagħhom. B’konsegwenza ta’ dan, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jkunu soġġetti għal projbizzjoni fuq id-dħul minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjoni ta’ ritorn, kif meħtieġ mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Madankollu, il-migranti irregolari ma jistgħux jinżammu responsabbli u jbatu konsegwenzi negattivi minħabba sitwazzjoni li mhijiex fil-kontroll tagħhom.
Biex jiġi evitat li titfaċċa din is-sitwazzjoni, l-Istati Membri għandhom jużaw il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u jestendu l-perjodu għat-tluq volontarju għal perjodu ta’ żmien xieraq, filwaqt li jqisu ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ individwali, id-durata u n-natura tal-miżuri restrittivi u d-disponibbiltà ta’ mezzi ta’ trasport lejn il-pajjiż terz tar-ritorn.
L-Istati Membri għandhom jagħtu wkoll perjodu għat-tluq volontarju li jkun itwal minn 30 jum fil-mument tal-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jekk, filwaqt li jqisu ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ u b’mod partikolari d-disponibbiltà ta’ mezzi ta’ trasport lejn il-pajjiż terz ta’ ritorn, ikun ċar mill-bidu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat mhux se jkun jista’ jitlaq fi żmien 30 jum.
Meta jittawwal il-perjodu għat-tluq volontarju u meta jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tad-deċiżjoni, il-migranti irregolari għandhom jirċievu konferma bil-miktub kif previst fid-Direttiva dwar ir-Ritorn (l-Artikolu 14).
Meta l-perjodu għat-tluq volontarju ma jkunx jista’ jiġi rispettat minħabba n-nuqqas ta’ trasportazzjoni lejn il-pajjiż terz ta’ ritorn jew kwalunkwe raġuni oħra lil hinn mir-rieda tal-persuna u relatata mal-miżuri restrittivi, l-Istati Membri għandhom iżommu lura milli joħorġu projbizzjoni fuq id-dħul, jew għandhom jirtirawha jekk tkun inħarġet.
Gwida prattika:
|
Edukazzjoni lit-tfal
Id-Direttiva dwar ir-Ritorn tirrikjedi li l-minorenni għandhom jingħataw aċċess għas-sistema ta’ edukazzjoni bażika, soġġett għat-tul tas-soġġorn tagħhom, kemm matul il-perjodu għat-tluq volontarju kif ukoll matul il-perjodi li fihom it-tneħħija tkun ġiet posposta (l-Artikolu 14) u matul detenzjoni (l-Artikolu 17).
L-aċċess għal sistema ta’ edukazzjoni bażika lill-minorenni soġġetti għal proċeduri ta’ ritorn huwa sfida li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiffaċċjaw minħabba l-miżuri li għandhom l-għan li jevitaw u jikkontrollaw lill-COVID-19 milli tinfirex. F’dan il-kuntest, diversi Stati Membri daħħlu fis-seħħ l-edukazzjoni mid-dar jew modalitajiet oħra ta’ tagħlim mill-bogħod. Jekk dawn il-modalitajiet ikunu għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini, il-miżuri li jittieħdu għandhom iqisu bis-sħiħ l-aħjar interessi tat-tfal (l-Artikolu 5) u, sa fejn possibbli, l-età u l-bżonnijiet tal-minorenni kkonċernati.
Gwida prattika:
|
Kura tas-saħħa
Id-Direttiva dwar ir-Ritorn tirrikjedi li, sa fejn possibbli, iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa ta’ emerġenza u t-trattament essenzjali ta’ mard. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, bħala parti minn din il-kura tas-saħħa ta’ emerġenza u t-trattament essenzjali ta’ mard, il-persuni rimpatrijati jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa meħtieġa għat-trattament tal-COVID-19.
Gwida prattika:
|
Skrinjar tas-saħħa
Abbażi tad-dritt nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu skrinjar mediku ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’soġġorn irregolari fuq raġunijiet ta’ saħħa pubblika, li għandu jikkonforma mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u mad-drittijiet fundamentali, biex jiġi identifikat liema miżuri ta’ prekawzjoni xierqa għandhom jiġu implimentati. Dan jiżgura li jitqies kif xieraq l-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fil-proċeduri ta’ ritorn, f’konformità mal-acquis tal-UE.
It-testijiet mediċi u l-iskrinjar għall-COVID-19 tal-migranti irregolari jistgħu jiffaċilitaw ukoll ir-riammissjoni billi jserrħu moħħ l-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi dwar ir-riskju ta’ kontaġju, l-istess kif jistgħu jagħmlu r-riferimenti għall-possibbiltajiet ta’ kwarantina fil-pajjiżi terzi li jiġu ffaċilitati minn sħab internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni.
Gwida prattika:
|
Detenzjoni
L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn jitlob li d-detenzjoni għall-iskop tat-tneħħija għandha tieqaf minnufih meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija f’każ individwali. Ir-restrizzjonijiet temporanji li l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi introduċew biex jevitaw u jikkontrollaw lill-COVID-19 milli tinfirex ma għandhomx jiġu interpretati li jwasslu b’mod awtomatiku għall-konklużjoni li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija fil-każijiet kollha. Jistgħu jitqiesu diversi fatturi sabiex jiġi determinat jekk, f’kull każ, għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija.
Gwida prattika:
|
Użu tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni, kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u tbegħid soċjali
Sabiex jipproteġu lin-nies mill-imxija tal-COVID-19, l-awtoritajiet nazzjonali japplikaw dejjem aktar miżuri ta’ tbegħid soċjali u miżuri oħra ta’ prekawzjoni. L-istess isir fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni, meta s-saħħa u s-sigurtà kemm tal-migranti detenuti kif ukoll tal-persunal jistgħu jkunu wkoll f’riskju u jkun jeħtieġ li jiġu ppreżervati. B’konsegwenza ta’ dan, il-kapaċità massima effettiva tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni jistgħu jitnaqqsu b’mod sinifikanti sabiex jiġu evitati l-kontaminazzjonijiet.
Jekk, minħabba dawn ir-raġunijiet, l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jipprovdu akkomodazzjoni f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni, jistgħu jużaw faċilitajiet oħra xierqa, taħt is-salvagwardji stipulati fid-Direttiva dwar ir-Ritorn, dment li jiġu żgurati t-tbegħid soċjali u miżuri oħra preventivi u iġjeniċi. L-Istati Membri għandhom iqisu kif xieraq id-dritt għall-ħajja tal-familja fil-każ ta’ koppji u familji bit-tfal, kif ukoll is-sitwazzjoni tal-persuni vulnerabbli.
Gwida prattika:
|
(1) https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2020/03/10/statement-by-the-president-of-the-european-council-following-the-video-conference-on-covid-19/
(2) COM (2020) 2050 final.
(3) Fit-2 ta’ April 2020, in-Netwerk tal-Proċessi tal-Asil tal-EASO ħejja laqgħa tematika online dwar l-organizzazzjoni ta’ Intervisti Personali mill-Bogħod u fit-8 ta’ April 2020 dwar it-tressiq ta’ applikazzjonijiet tal-asil mill-bogħod. Barra minn hekk, in-Netwerk tar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja tal-EASO ħejja laqgħa online biex jiġi diskuss l-impatt tal-COVID-19 fuq l-operazzjonijiet ta’ risistemazzjoni fl-Istati Membri.
(4) Gwida Prattika tal-EASO:Intervista Personali u l-EASO Guidance on asylum procedure: operational standards and indicators (Gwida tal-EASO dwar il-proċedura tal-asil: indikaturi u standards operazzjonali) u l-EASO Guidance on contingency planning in the context of reception (Gwida tal-EASO dwar l-ippjanar ta’ kontinġenza fil-kuntest tal-akkoljenza)
(5) l-Artikolu 6 u l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32/UE.
(6) l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013.
(7) l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/33/UE.
(8) “Livell prattiku/tekniku biex tingħata stampa ġenerali tal-impatt tal-COVID-19 fuq il-prattika tar-Regolament ta’ Dublin”.
(9) Xi Stati Membri setgħu jagħtu stima biss.
(10) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ĠU L 222, 5.9.2003, p. 3, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat-30 ta’ Jannar 2014, ĠU L 39, 8.2.2014, p. 1.
(11) Imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Dublin.
(12) “Practical Guide on the implementation of the Dublin III Regulation: interview and evidence assessment” (Gwida Prattika dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin III: valutazzjoni tal-evidenza u l-intervisti) tal-EASO
(13) “Guidance on Dublin procedure: operational standards and indicators” (Gwida dwar il-proċedura skont ir-Regolament ta’ Dublin: indikaturi u standards operazzjonali) tal-EASO
(14) Disponibbli hawn: http://www.euro.who.int/en/health-topics/health-determinants/prisons-and-health/news/news/2020/3/preventing-covid-19-outbreak-in-prisons-a-challenging-but-essential-task-for-authorities.