ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 112I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
4 ta' April 2020


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 112 I/01

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Emenda għall-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lil-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19

1


MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

4.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 112/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Emenda għall-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lil-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19

(2020/C 112 I/01)

1.   INTRODUZZJONI

1.

Fid-19 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19” (1) (“il-Qafas Temporanju”), li, fost affarijiet oħra, tippreżenta l-possibbiltajiet li għandhom l-Istati Membri skont ir-regoli tal-Unjoni biex jiżguraw li l-impriżi, speċjalment l-impriżi żgħar u medji (“SMEs”) li jiffaċċjaw nuqqas f’daqqa f’dan il-perjodu, ikollhom likwidità u aċċess għal finanzjament sabiex ikunu jistgħu jirkupraw mis-sitwazzjoni preżenti. L-għan huwa li jiġi stabbilit qafas li jippermetti li l-Istati Membri jagħtu sostenn lill-impriżi li jesperjenzaw diffikultajiet minħabba t-tifqigħa attwali tal-COVID-19, filwaqt li tinżamm l-integrità tas-Suq Intern tal-UE, jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni.

2.

L-applikazzjoni mmirata u proporzjonata tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat isservi biex tiżgura li l-miżuri nazzjonali ta’ appoġġ ikunu effettivi fl-għajnuna li jagħtu lill-impriżi milquta matul it-tifqigħa tal-COVID-19, iżda wkoll li tippermettilhom jirkupraw mis-sitwazzjoni ta’ bħalissa, fil-kunsiderazzjoni tal-importanza li jinkisbu ż-żewġ tranżizzjonijiet li jimxu biswit xulxin, dik ekoloġika u dik diġitali, skont l-objettivi tal-UE.

3.

L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tidentifika miżuri ta’ għajnuna mill-Istat temporanji addizzjonali li l-Kummissjoni tikkunsidra li huma kompatibbli skont l-Artikolu 107(3) tat-TFUE fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19.

4.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, lil hinn mill-iżgurar tal-aċċess għal-likwidità u l-finanzjament, huwa essenzjali wkoll li jiġu ffaċilitati r-riċerka u l-iżvilupp relevanti għall-COVID-19, li jingħata sostenn għall-kostruzzjoni u l-aġġornament ta’ faċilitajiet tal-ittestjar ta’ prodotti relevanti għall-COVID-19, kif ukoll it-twaqqif ta’ kapaċitajiet addizzjonali għall-produzzjoni tal-prodotti meħtieġa għar-rispons għat-tifqigħa. Dan jinkludi prodotti mediċinali (inkluż vaċċini) u trattamenti relevanti, il-prodotti intermedji, l-ingredjenti farmaċewtiċi attivi u l-materja prima tagħhom; apparat mediku, tagħmir mediku u tal-isptar (inkluż ventilaturi u lbies u tagħmir protettiv kif ukoll għodod dijanjostiċi) u l-materja prima meħtieġa; diżinfettanti u l-prodotti intermedjarji tagħhom u l-materjali kimiċi meħtieġa għall-produzzjoni tagħhom u l-għodod tal-ġbir tad-data u tal-ipproċessar.

5.

Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi preżenti, huwa kruċjali wkoll li jiġu ppreservati l-impjiegi. Id-differimenti ta’ pagamenti ta’ taxxi u ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jistgħu jkunu għodda utli biex jitnaqqsu r-restrizzjonijiet tal-likwidità tal-impriżi u jiġu ppreservati l-impjiegi. Jekk dawn id-differimenti japplikaw għall-ekonomija kollha, dawn jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Jekk dawn jagħtu vantaġġ selettiv lill-impriżi, li jista’ jiġri jekk ikunu ristretti għal ċerti setturi (pereżempju t-trasport, it-turiżmu, is-saħħa), reġjuni, jew tipi ta’ impriżi, dawn jinvolvu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

6.

Bl-istess mod, sabiex jippreservaw l-impjiegi, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-pagi tal-impriżi li, inkella, minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, ikollhom jagħtu s-sensja lill-ħaddiema tagħhom. Jekk dawn l-iskemi ta’ sostenn japplikaw għall-ekonomija kollha, dawn jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Jekk dawn ikunu ristretti, pereżempju, għal ċerti setturi (pereżempju t-trasport, it-turiżmu, is-saħħa), reġjuni, jew tipi ta’ impriżi, dawn jinvolvu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

7.

Il-Kummissjoni għandha fehma pożittiva fir-rigward tal-miżuri li ħadu l-Istati membri sabiex tiżdied il-flessigurtà u jiġu evitati sensji massivi. L-iskemi ta’ sensja temporanja ta’ applikazzjoni ġenerali, li għandhom l-għan li lill-impjegati jagħtuhom kumpens totali jew parzjali għat-telf tar-remunerazzjoni tagħhom waqt li jkunu temporanjament assenti mill-impjieg tagħhom, normalment ma jkunux selettivi.

8.

Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-Qafas Temporanju wriet il-ħtieġa li jiġu introdotti kjarifiki addizzjonali u emendi fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet, speċjalment fit-Taqsima 3.1, fit-Taqsima 3.2, fit-Taqsima 3.3 u fit-Taqsima 3.5.

2.   EMENDI GĦALL-QAFAS TEMPORANJU

9.

L-emendi li ġejjin għall-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lil-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 se jidħlu fis-seħħ mit-3 ta’ April 2020.

10.

Jiddaħħal il-punt 16bis:

“16bis. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li, lil hinn mill-miżuri ta’ għajnuna permessi skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE u l-possibbiltajiet eżistenti skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, huwa essenzjali wkoll li jiġu aċċellerati r-riċerka u l-iżvilupp relevanti għall-COVID-19, li jingħata sostenn lill-faċilitajiet tal-ittestjar u tal-espansjoni li jikkontribwixxu biex jiġu żviluppati prodotti relevanti għall-COVID-19, kif ukoll li jingħata sostenn għall-produzzjoni tal-prodotti meħtieġa għar-rispons għat-tifqigħa. Għaldaqstant, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk dawn il-miżuri humiex kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. Il-Kummissjoni kkunsidrat kif xieraq l-objettiv komuni indirizzat minn dawn il-miżuri ta’ għajnuna u l-effetti pożittivi tagħhom fuq l-indirizzar tal-kriżi tal-emerġenza tas-saħħa pprovokata mit-tifqigħa tal-COVID-19 meta dawn jitqiesu fil-konfront tal-effetti negattivi potenzjali ta’ dawn il-miżuri fuq is-suq intern.”

11.

Il-punt 20 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“20. L-għajnuna kollha fit-taqsimiet differenti ta’ din il-Komunikazzjoni tista’ tiġi akkumulata ma’ xulxin ħlief:

a.

għall-għajnuna konċessa taħt it-Taqsima 3.2 u t-Taqsima 3.3, jekk l-għajnuna tiġi konċessa għall-istess self sottostanti u l-ammont globali tas-self għal kull impriża jeċċedi l-limiti stabbilit fil-punt 25 d) jew 27 d) ta’ din il-Komunikazzjoni;; kif ukoll

b.

għall-għajnuna taħt it-Taqsima 3.6, it-Taqsima 3.7 u t-Taqsima 3.8, jekk l-għajnuna tikkonċerna l-istess kostijiet eliġibbli (2).”

12.

Il-paragrafu introduttorju tal-punt 22 u tal-punti a. u c. tiegħu huma sostitwiti b’dan li ġej:

“22. Il-Kummissjoni se tikkunsidra tali għajnuna mill-Istat bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin (id-dispożizzjonijiet speċifiċi għas-setturi primarji tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-akkwakultura huma stabbiliti fil-punt 23):

a.

L-għajnuna globali ma tkunx teċċedi EUR 800 000 għal kull impriża. L-għajnuna tista’ tiġi konċessa fil-forma ta’ għotjiet diretti, benefiċċji fuq it-taxxa u fuq il-pagamenti jew f’forom oħra bħalma huma ħlasijiet bil-quddiem ripagabbli, garanziji, self u ekwità dment li l-valur nominali totali ta’ dawn il-miżuri jibqa’ taħt il-limitu globali ta’ EUR 800 000 għal kull impriża; iċ-ċifri kollha użati jridu jkunu grossi, jiġifieri qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew imposti oħra;”

“c.

L-għajnuna ma tistax tiġi konċessa lil impriżi li diġà kienu f’diffikultà (fis-sens tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (3)) fil-31 ta’ Diċembru 2019.”

13.

Il-punt 23 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“23. B’deroga mill-punt 22(a), il-kundizzjonijiet speċifiċi li ġejjin għandhom japplikaw għall-għajnuna konċessa lill-impriżi fis-setturi tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-akkwakultura, flimkien mal-kundizzjonijiet tal-punt 22 (b) sa (e):

a.

l-għajnuna globali ma tkunx teċċedi EUR 120 000 għal kull impriża attiva fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (4) jew EUR 100 000 għal kull impriża attiva fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli (5); l-għajnuna tista’ tiġi konċessa fil-forma ta’ għotjiet diretti, benefiċċji fuq it-taxxa u fuq il-pagamenti jew f’forom oħra bħalma huma ħlasijiet bil-quddiem ripagabbli, garanziji, self u ekwità dment li l-valur nominali totali ta’ dawn il-miżuri ma jeċċedix il-limitu globali ta’ EUR 120 000 jew EUR 100 000 għal kull impriża; iċ-ċifri kollha użati jridu jkunu grossi, jiġifieri qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew imposti oħra;

b.

l-għajnuna lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli ma tridx tkun stabbilita abbażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti li jitqiegħdu fuq is-suq;

c.

l-għajnuna lill-impriżi attivi fis-sajd u fl-akkwakultura ma tkun tikkonċerna l-ebda waħda mill-kategoriji ta’ għajnuna li ssir referenza għalihom fil-paragrafu (1) (a) sa (k) tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 (6).”

14.

Jiddaħħal il-punt 23bis li ġej:

“23bis. Meta impriża tkun attiva f’diversi setturi li għalihom ikunu japplikaw ammonti massimi differenti skont il-punti 22(a) u 23(a), l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura, b’mezzi xierqa bħalma huma s-separazzjoni tal-kontijiet, li jiġi rispettat il-limitu massimu relevanti għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet.”

15.

Il-punt 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“25. Il-Kummissjoni se tikkunsidra tali għajnuna mill-Istat konċessa fil-forma ta’ garanziji pubbliċi ġodda fuq is-self individwali b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19 bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE dment li:

a.

Il-primjums ta’ garanzija jkunu stabbiliti għal kull self individwali f’livell minimu, li għandu jiżdied progressivament hija u tiżdied id-durata tas-self garantit, kif stabbilit f’din it-tabella:

Tip ta’ benefiċjarju

Għall-1el sena

Għat-2ni-3et sena

Għar-4a’-6tt sena

SMEs

25bps

50bps

100bps

Impriżi kbar

50bps

100bps

200bps

b.

Bħala alternattiva, l-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw skemi, b’kunsiderazzjoni tat-tabella ta’ hawn fuq bħala bażi, iżda fejn id-durata tal-garanzija, il-primjums tal-garanzija u l-kopertura tal-garanzija jistgħu jiġu modulati għal kull ammont tal-kapital tas-self individwali sottostanti, pereżempju kopertura tal-garanzija aktar baxxa tista’ tibbilanċja durata itwal jew tista’ tippermetti primjums tal-garanzija aktar baxxi; jista’ jintuża primjum fiss għad-durata sħiħa tal-garanzija, jekk dan ikun ogħla mill-primjums minimi għall-ewwel sena stabbiliti fit-tabella ta’ hawn fuq għal kull tip ta’ benefiċjarju, kif aġġustati skont id-durata tal-garanzija u l-kopertura tal-garanzija skont dan il-paragrafu;

c.

Il-garanzija tkun konċessa sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020;

d.

Fil-każ ta’ self b’maturità lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2020, l-ammont globali tas-self għal kull benefiċjarju ma għandux jeċċedi:

i.

id-doppju tal-kont tal-pagi annwali tal-benefiċjarju (inkluż l-ispejjeż soċjali kif ukoll il-kost tal-persunal li jaħdem fuq is-sit tal-impriża iżda li formalment jitħallas mis-sottokuntratturi) għall-2019, jew għall-aħħar sena disponibbli. Fil-każ ta’ impriżi maħluqa fl-1 ta’ Jannar 2019 jew wara, is-self massimu ma jistax ikun jeċċedi l-kont tal-paga stmat annwali għall-ewwel sentejn tal-operat; jew inkella

ii.

25 % tal-fatturat totali tal-benefiċjarju fl-2019; jew inkella

iii.

b’ġustifikazzjoni xierqa u abbażi ta’ awtoċertifikazzjoni mill-benefiċjarju tal-bżonnijiet ta’ likwidità tiegħu (7), l-ammont tas-self jista’ jiżdied biex ikopri l-bżonnijiet ta’ likwidità mill-mument tal-konċessjoni għat-18-il xahar li ġejjin għall-SMEs u għat-12-il xahar li ġejjin fil-każ ta’ impriżi kbar;

e.

Fil-każ ta’ self li jimmatura sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-ammont tal-kapital tas-self jista’ jkun ogħla milli hu taħt il-punt 25(d) b’ġustifikazzjoni xierqa u dment li tibqa’ assigurata l-proporzjonalità tal-għajnuna;

f.

Id-durata tal-garanzija tkun limitata għal massimu ta’ sitt snin, sakemm ma tiġix modulata skont il-punt 25 (b), u l-garanzija pubblika ma tistax teċċedi:

i.

90 % tal-kapital tas-self jekk it-telf jiġġarrab b’mod proporzjonali u taħt l-istess kundizzjonijiet mill-istituzzjoni ta’ kreditu u mill-Istat; jew inkella

ii.

35 % tal-kapital tas-self, jekk it-telf jiġi l-ewwel attribwit lill-Istat u jkun biss wara dan li jiġi attribwit lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu (jiġifieri, garanzija kontra l-ewwel telf); kif ukoll

iii.

fiż-żewġ każijiet ta’ hawn fuq, jekk id-daqs tas-self jonqos maż-żmien, pereżempju għax is-self jibda’ jitħallas lura, l-ammont garantit ikollu jitnaqqas proporzjonalment;

g.

Il-garanzija għandha tkun tirrigwarda self għall-investiment u/jew għall-kapital operatorju;

h.

Il-garanzija ma tistax tiġi konċessa lil impriżi li diġà kienu f’diffikultà (fis-sens tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (8)) fil-31 ta’ Diċembru 2019.”

16.

Il-punt 27 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“27. Il-Kummissjoni se tikkunsidra għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ sussidji għal self minn fondi pubbliċi b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19 bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a.

Is-self jista’ jiġi konċess b’rati tal-imgħax imnaqqsa li jkunu tal-anqas ugwali għar-rata bażi (IBOR ta’ sena (1) jew ekwivalenti, kif ippubblikat mill-Kummissjoni (9)) applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2020 flimkien mal-marġni ta’ kreditu kif stabbilit fit-tabella hawn taħt:

Tip ta’ benefiċjarju

Marġni ta’ riskju ta’ kreditu għall-1el sena

Marġni ta’ riskju ta’ kreditu għat-2ni-3et sena

Marġni ta’ riskju ta’ kreditu għar-4a’-6tt sena

SMEs

25bps (10)

50bps (11)

100bps

Impriżi kbar

50bps

100bps

200bps

b.

Bħala alternattiva, l-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw skemi, b’kunsiderazzjoni tat-tabella ta’ hawn fuq bħala bażi, iżda fejn il-maturità tas-self u l-marġnijiet ta’ riskju ta’ kreditu jistgħu jiġu modulati, pereżempju jista’ jintuża marġni ta’ riskju ta’ kreditu fiss għad-durata sħiħa tas-self, jekk dan ikun ogħla mill-marġni ta’ riskju ta’ kreditu minimu għall-ewwel sena għal kull tip ta’ benefiċjarju, kif aġġustat skont il-maturità tas-self skont dan il-paragrafu (12);

c.

Il-kuntratti tas-self jiġu ffirmati mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020 u jkunu limitati għal massimu ta’ sitt snin, sakemm ma jiġux modulati skont il-punt 27 (b);

d.

Fil-każ ta’ self b’maturità lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2020, l-ammont globali tas-self għal kull benefiċjarju ma għandux jeċċedi:

i.

id-doppju tal-kont tal-pagi annwali tal-benefiċjarju (inkluż l-ispejjeż soċjali kif ukoll il-kost tal-persunal li jaħdem fuq is-sit tal-impriża iżda li formalment jitħallas mis-sottokuntratturi) għall-2019 jew għall-aħħar sena disponibbli. Fil-każ ta’ impriżi maħluqa fl-1 ta’ Jannar 2019 jew wara, is-self massimu ma jistax ikun jeċċedi l-kont tal-paga stmat annwali għall-ewwel sentejn tal-operat; jew inkella

ii.

25 % tal-fatturat totali tal-benefiċjarju fl-2019; jew inkella

iii.

b’ġustifikazzjoni xierqa u abbażi ta’ awtoċertifikazzjoni mill-benefiċjarju tal-bżonnijiet ta’ likwidità tiegħu (13), l-ammont tas-self jista’ jiżdied biex ikopri l-bżonnijiet ta’ likwidità mill-mument tal-konċessjoni għat-18-il xahar li ġejjin għall-SMEs u għat-12-il xahar li ġejjin fil-każ ta’ impriżi kbar;

e.

Fil-każ ta’ self li jimmatura sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-ammont tal-kapital tas-self għal kull benefiċjarju jista’ jkun ogħla milli hu taħt il-punt 27(d) b’ġustifikazzjoni xierqa u dment li tibqa’ assigurata l-proporzjonalità tal-għajnuna;

f.

Is-self għandu jkun jirrigwarda l-investiment u/jew il-bżonnijiet tal-kapital operatorju;

g.

Is-self ma jistax jiġi konċess lil impriżi li diġà kienu f’diffikultà (fis-sens tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (14)) fil-31 ta’ Diċembru 2019.”

17.

It-Taqsima 3.5 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Taqsima 3.5: Assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir

32.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir (“STEC”) tipprevedi li r-riskji kummerċjabbli ma għandhomx jiġu koperti minn assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni bis-sostenn tal-Istati Membri. B’konsegwenza tat-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 u wara li saret konsultazzjoni pubblika dwar id-disponibbiltà tal-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir għall-esportazzjonijiet kollha lill-pajjiżi kollha ta’ riskju preżentement kummerċjabbli, il-Kummissjoni sabet li b’mod ġenerali hemm nuqqas ta’ kapaċità suffiċjenti ta’ assigurazzjoni privata għall-krediti għall-esportazzjoni għal żmien qasir u li temporanjament il-kopertura għar-riskji kummerċjabbli mhijiex disponibbli.

33.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkunsidra r-riskji kummerċjali u politiċi kollha assoċjati mal-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi elenkati fl-Anness tal-STEC bħala temporanjament mhux kummerċjabbli sal-31 ta’ Diċembru 2020 (15).”

18.

Tiddaħħal it-taqsima li ġejja:

“Taqsima 3.6 Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp relevanti għall-COVID-19

34.

Lil hinn mill-possibbiltajiet eżistenti abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, huwa essenzjali li jiġu ffaċilitati r-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) relevanti għall-COVID-19 biex tiġi indirizzata l-kriżi ta’ emerġenza tas-saħħa preżenti.

35.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra bħala kompatibbli mas-suq intern l-għajnuna għall-proġetti tar-R&Ż li jwettqu riċerka relevanti għall-COVID-19 u riċerka antivirali oħra (16) inkluż proġetti li jkunu rċevew tikketta ta’ kwalità tas-Siġill ta’ Eċċellenza speċifiku għall-COVID-19 skont l-istrument għall-SMEs Orizzont 2020, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

a.

L-għajnuna tiġi konċessa fil-forma ta’ għotjiet diretti, ħlas bil-quddiem ripagabbli jew benefiċċji fuq it-taxxa sal-31 ta’ Diċembru 2020;

b.

Għall-proġetti tar-R&Ż li jkunu bdew qabel l-1 ta’ Frar 2020 jew għall-proġetti li jkunu rċevew Siġill ta’ Eċċellenza speċifiku għal COVID-19, l-għajnuna titqies li jkollha effett ta’ inċentiv; għall-proġetti li jkunu bdew qabel l-1 ta’ Frar 2020, l-għajnuna titqies li jkollha effett ta’ inċentiv, jekk l-għajnuna tkun meħtieġa biex jiġi aċċellerat jew jitwessa’ l-ambitu tal-proġett. F’dawn il-każijiet, għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna biss il-kostijiet addizzjonali fir-rigward tal-isforzi ta’ aċċellerazzjoni jew tal-ambitu mwessa’;

c.

Il-kostijiet eliġibbli jistgħu jirreferu għall-kostijiet kollha meħtieġa għall-proġett tar-R&Ż tul id-durata tiegħu, inkluż, fost affarijiet oħra, il-kostijiet tal-persunal, il-kostijiet għat-tagħmir diġitali u tal-informatika, għall-għodod dijanjostiċi, għall-għodod tal-ġbir tad-data u tal-ipproċessar, għas-servizzi tar-R&Ż, għall-provi prekliniċi u kliniċi (il-fażijiet ta’ prova I-IV), għall-kisba, għall-validazzjoni u għad-difiża ta’ privattivi u ta’ assi oħra intanġibbli, għall-kisba tal-valutazzjonijiet ta’ konformità u/jew tal-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ vaċċini ġodda u mtejba u prodotti mediċinali, apparat mediku, tagħmir mediku u tal-isptar, diżinfettanti, u tagħmir protettiv personali; il-provi tal-fażi IV huma eliġibbli dment li dawn jippermettu avvanzi xjentifiċi jew teknoloġiċi ulterjuri;

d.

L-intensità tal-għajnuna għal kull benefiċjarju tista’ tkopri 100 % tal-kostijiet eliġibbli għar-riċerka fundamentali u ma għandhiex teċċedix 80 % tal-kostijiet eliġibbli għar-riċerka industrijali u għall-iżvilupp sperimentali (17);

e.

L-intensità tal-għajnuna għar-riċerka industrijali u għall-iżvilupp sperimentali tista’ tiżdied bi 15-il punt perċentwali, jekk aktar minn Stat Membru wieħed jagħti sostenn lill-proġett ta’ riċerka, jew jekk jitwettaq f’kollaborazzjoni transfruntiera ma’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka jew ma’ impriżi oħra;

f.

L-għajnuna skont din il-miżura tista’ tiġi kkombinata ma’ sostenn minn sorsi oħra għall-istess kostijiet eliġibbli, dment li l-għajnuna kkombinata ma teċċedix il-limiti definiti mill-punti (d) u (e) hawn fuq;

g.

Il-benefiċjarju tal-għajnuna għandu jimpenja ruħu li jagħti liċenzji mhux esklużivi skont kundizzjonijiet tas-suq nondiskriminatorji lil partijiet terzi fiż-ŻEE;

h.

L-għajnuna ma tistax tiġi konċessa lil impriżi li diġà kienu f’diffikultà (fis-sens tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (18)) fil-31 ta’ Diċembru 2019.”

19.

Tiddaħħal it-taqsima li ġejja:

“Taqsima 3.7 Għajnuna għall-investiment għall-infrastrutturi tal-ittestjar u tal-espansjoni

36.

Lil hinn mill-possibbiltajiet eżistenti abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, huwa essenzjali li jingħata sostenn lill-infrastrutturi tal-ittestjar u tal-espansjoni li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ prodotti relevanti għall-COVID-19.

37.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-investiment għall-kostruzzjoni jew għall-aġġornament tal-infrastrutturi tal-ittestjar u tal-espansjoni meħtieġa għall-iżvilupp, għall-ittestjar u għall-espansjoni, sal-ewwel implimentazzjoni industrijali qabel il-produzzjoni tal-massa, tal-prodotti relevanti għall-COVID-19 kif spjegat fit-Taqsima 3.8 bħala kompatibbli mas-suq intern dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a.

L-għajnuna tiġi konċessa għall-kostruzzjoni jew għall-aġġornament tal-infrastrutturi tal-ittestjar u tal-espansjoni meħtieġa għall-iżvilupp, għall-ittestjar u għall-espansjoni, sal-ewwel implimentazzjoni industrijali qabel il-produzzjoni tal-massa, tal-prodotti mediċinali (inkluż vaċċini) u trattamenti, il-prodotti intermedji, l-ingredjenti farmaċewtiċi attivi u l-materja prima tagħhom relevanti għall-COVID-19; apparat mediku, tagħmir mediku u tal-isptar (inkluż ventilaturi u lbies u tagħmir protettiv kif ukoll għodod dijanjostiċi) u l-materja prima meħtieġa; diżinfettanti u l-prodotti intermedjarji tagħhom u l-materjali kimiċi meħtieġa għall-produzzjoni tagħhom; kif ukoll għodod ta’ ġbir/proċessar ta’ data;

b.

L-għajnuna tiġi konċessa fil-forma ta’ għotjiet diretti, benefiċċji fuq it-taxxa jew ħlas bil-quddiem ripagabbli sal-31 ta’ Diċembru 2020;

c.

Għall-proġetti li jkunu diġà bdew fl-1 ta’ Frar 2020, l-għajnuna titqies li jkollha effett ta’ inċentiv; għall-proġetti li jkunu bdew qabel l-1 ta’ Frar 2020, l-għajnuna titqies li jkollha effett ta’ inċentiv, jekk l-għajnuna tkun meħtieġa biex jiġi aċċellerat jew jitwessa’ l-ambitu tal-proġett. F’dawn il-każijiet, għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna biss il-kostijiet addizzjonali fir-rigward tal-isforzi ta’ aċċellerazzjoni jew tal-ambitu mwessa’;

d.

Il-proġett tal-investiment għandu jitlesta fi żmien sitt xhur mid-data tal-konċessjoni tal-għajnuna. Proġett tal-investiment jitqies li jkun tlesta meta l-awtoritajiet nazzjonali jaċċettawh bħala komplut. Jekk tinqabeż l-iskadenza ta’ sitt xhur, għal kull xahar ta’ dewmien għandu jiġi rimborżat 25 % tal-ammont tal-għajnuna mogħtija f’forma ta’ għotjiet diretti jew benefiċċji fuq it-taxxa, sakemm id-dewmien ma jkunx minħabba fatturi barra mill-kontroll tal-benefiċjarju tal-għajnuna. Jekk tiġi rispettata l-iskadenza, l-għajnuna fil-forma ta’ ħlas bil-quddiem ripagabbli tinbidel f’għotjiet; jekk le, il-ħlas bil-quddiem ripagabbli jiġi rimborżat f’pagamenti akkont annwali indaqs fi żmien ħames snin mid-data tal-konċessjoni tal-għajnuna;

e.

Il-kostijiet eliġibbli huma l-kostijiet tal-investiment meħtieġa għat-twaqqif tal-infrastrutturi tal-ittestjar u tal-espansjoni meħtieġa biex jiġu żviluppati l-prodotti elenkati fil-punt (a) hawn fuq. L-intensità tal-għajnuna ma għandhiex teċċedi 75 % tal-kostijiet eliġibbli;

f.

L-intensità massima permessa tal-għajnuna tal-għotja diretta jew tal-benefiċċju fuq it-taxxa tista’ tiżdied bi 15-il punt perċentwali addizzjonali, jekk l-investiment jiġi konkluż fi żmien xahrejn mid-data tal-konċessjoni tal-għajnuna jew mid-data tal-applikazzjoni tal-benefiċċju fuq it-taxxa, jew jekk is-sostenn ikun ġej minn aktar minn Stat Membru wieħed. Jekk l-għajnuna tiġi konċessa fil-forma ta’ ħlas bil-quddiem ripagabbli, u l-investiment jitlesta fi żmien xahrejn, jew jekk is-sostenn jiġi minn aktar minn Stat Membru wieħed, jistgħu jiġu konċessi 15-il punt perċentwali addizzjonali;

g.

L-għajnuna skont din il-miżura ma għandhiex tiġi kkombinata ma’ għajnuna oħra għall-investiment għall-istess kostijiet eliġibbli;

h.

Garanzija ta’ kopertura tat-telf tista’ tiġi konċessa flimkien ma’ għotja diretta, benefiċċju fuq it-taxxa jew ħlas bil-quddiem ripagabbli, jew bħala miżura ta’ għajnuna indipendenti. Il-garanzija ta’ kopertura tat-telf tinħareġ fi żmien xahar minn meta tapplika għaliha l-impriża; l-ammont tat-telf li jrid jiġi kkumpensat jiġi stabbilit ħames snin wara li jitlesta l-investiment. L-ammont ta’ kumpens huwa kkalkulat bħala d-differenza bejn is-somma tal-kostijiet tal-investiment, profitt raġonevoli ta’ 10 % fis-sena fuq il-kost tal-investiment fuq ħames snin, u kost operatorju fuq naħa waħda, u s-somma tal-għotja diretta riċevuta, id-dħul fuq perjodu ta’ ħames snin, u l-valur terminali tal-proġett;

i.

Il-prezz mitlub għas-servizzi pprovduti mill-infrastruttura tal-ittestjar u tal-espansjoni għandu jikkorrispondi għall-prezz tas-suq;

j.

L-infrastrutturi tal-ittestjar u tal-espansjoni għandhom ikunu miftuħa għal diversi utenti u jingħataw fuq bażi trasparenti u nondiskriminatorja. L-impriżi li jkunu ffinanzjaw mill-inqas 10 % tal-kostijiet tal-investiment jistgħu jingħataw aċċess preferenzjali b’kundizzjonijiet aktar favorevoli;

k.

L-għajnuna ma tistax tiġi konċessa lil impriżi li diġà kienu f’diffikultà (fis-sens tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (19)) fil-31 ta’ Diċembru 2019.”

20.

Tiddaħħal it-taqsima li ġejja:

“Taqsima 3.8 Għajnuna għall-investiment għall-produzzjoni ta’ prodotti relevanti għall-COVID-19:

38.

Lil hinn mill-possibbiltajiet eżistenti abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, huwa essenzjali li tiġi ffaċilitata l-produzzjoni ta’ prodotti relevanti għall-COVID-19. Dan jinkludi: prodotti mediċinali (inkluż vaċċini) u trattamenti relevanti, il-prodotti intermedji, l-ingredjenti farmaċewtiċi attivi u l-materja prima tagħhom; apparat mediku, tagħmir mediku u tal-isptar (inkluż ventilaturi, lbies u tagħmir protettiv kif ukoll għodod dijanjostiċi) u l-materja prima meħtieġa; diżinfettanti u l-prodotti intermedjarji tagħhom u l-materjali kimiċi meħtieġa għall-produzzjoni tagħhom; għodod ta’ ġbir/proċessar ta’ data.

39.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għajnuna għall-investiment għall-produzzjoni tal-prodotti relevanti għall-COVID-19 bħala kompatibbli mas-suq intern dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a.

L-għajnuna għall-investiment tiġi konċessa għall-produzzjoni ta’ prodotti relevanti għall-COVID-19, bħalma huma prodotti mediċinali (inkluż vaċċini) u trattamenti relevanti, il-prodotti intermedji, l-ingredjenti farmaċewtiċi attivi u l-materja prima tagħhom; apparat mediku, tagħmir mediku u tal-isptar (inkluż ventilaturi, lbies u tagħmir protettiv kif ukoll għodod dijanjostiċi) u l-materja prima meħtieġa; diżinfettanti u l-prodotti intermedjarji tagħhom u l-materjali kimiċi meħtieġa għall-produzzjoni tagħhom; għodod ta’ ġbir/proċessar ta’ data;

b.

L-għajnuna tiġi konċessa fil-forma ta’ għotjiet diretti, benefiċċji fuq it-taxxa jew ħlas bil-quddiem ripagabbli sal-31 ta’ Diċembru 2020;

c.

Għall-proġetti li jkunu diġà bdew fl-1 ta’ Frar 2020, l-għajnuna titqies li jkollha effett ta’ inċentiv; għall-proġetti li jkunu bdew qabel l-1 ta’ Frar 2020, l-għajnuna titqies li jkollha effett ta’ inċentiv, jekk l-għajnuna tkun meħtieġa biex jiġi aċċellerat jew jitwessa’ l-ambitu tal-proġett. F’dawn il-każijiet, għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna biss il-kostijiet addizzjonali fir-rigward tal-isforzi ta’ aċċellerazzjoni jew tal-ambitu mwessa’;

d.

Il-proġett tal-investiment għandu jkun komplut fi żmien sitt xhur mid-data tal-konċessjoni tal-għajnuna. Proġett tal-investiment jitqies komplut meta l-awtoritajiet nazzjonali jaċċettawh bħala komplut. Jekk tinqabeż l-iskadenza ta’ sitt xhur, għal kull xahar ta’ dewmien irid jiġi rimborżat 25 % tal-ammont tal-għajnuna mogħtija f’forma ta’ għotjiet diretti jew benefiċċji fuq it-taxxa, sakemm id-dewmien ma jkunx minħabba fatturi barra mill-kontroll tal-benefiċjarju tal-għajnuna. Jekk tiġi rispettata l-iskadenza, l-għajnuna fil-forma ta’ ħlas bil-quddiem ripagabbli tinbidel f’għotjiet; jekk le, il-ħlas bil-quddiem ripagabbli jiġi rimborżat f’pagamenti akkont annwali indaqs fi żmien ħames snin mid-data tal-konċessjoni tal-għajnuna;

e.

Il-kostijiet eliġibbli jkunu marbuta mal-kostijiet kollha tal-investiment meħtieġa għall-produzzjoni tal-prodotti elenkati fil-punt (a) u mal-kostijiet ta’ prova tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni l-ġodda. L-intensità tal-għajnuna ma għandhiex teċċedi 80 % tal-kostijiet eliġibbli;

f.

L-intensità massima permessa tal-għajnuna tal-għotja diretta jew tal-benefiċċju fuq it-taxxa tista’ tiżdied bi 15-il punt perċentwali addizzjonali, jekk l-investiment jiġi konkluż fi żmien xahrejn mid-data tal-konċessjoni tal-għajnuna jew mid-data tal-applikazzjoni tal-benefiċċju fuq it-taxxa, jew jekk is-sostenn ikun ġej minn aktar minn Stat Membru wieħed. Jekk l-għajnuna tiġi konċessa fil-forma ta’ ħlas bil-quddiem ripagabbli u l-investiment jitlesta fi żmien xahrejn jew jekk is-sostenn jiġi minn aktar minn Stat Membru wieħed, jistgħu jiġu konċessi 15-il punt perċentwali addizzjonali;

g.

L-għajnuna skont din il-miżura ma għandhiex tiġi kkombinata ma’ għajnuna oħra għall-investiment għall-istess kostijiet eliġibbli;

h.

Garanzija ta’ kopertura tat-telf tista’ tiġi konċessa flimkien ma’ għotja diretta, benefiċċju fuq it-taxxa jew ħlas bil-quddiem ripagabbli jew bħala miżura ta’ għajnuna indipendenti. Il-garanzija ta’ kopertura tat-telf tinħareġ fi żmien xahar minn meta tapplika għaliha l-impriża; l-ammont tat-telf li jrid jiġi kkumpensat jiġi stabbilit ħames snin wara li jitlesta l-investiment. L-ammont ta’ kumpens huwa kkalkulat bħala d-differenza bejn is-somma tal-kostijiet tal-investiment, profitt raġonevoli ta’ 10 % fis-sena fuq il-kost tal-investiment fuq ħames snin, u kost operatorju fuq naħa waħda, u s-somma tal-għotja diretta riċevuta, id-dħul fuq perjodu ta’ ħames snin, u l-valur terminali tal-proġett;

i.

L-għajnuna ma tistax tiġi konċessa lil impriżi li diġà kienu f’diffikultà (fis-sens tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (20)) fil-31 ta’ Diċembru 2019. ”

21.

Tiddaħħal it-taqsima li ġejja:

“Taqsima 3.9 Għajnuna fil-forma ta’ differimenti tat-taxxa u/jew ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali

40.

Id-differimenti ta’ pagamenti ta’ taxxi u/jew ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jistgħu jkunu għodda utli biex jitnaqqsu r-restrizzjonijiet tal-likwidità tal-impriżi (inkluż l-individwi li jaħdmu għal rashom) u jiġu ppreservati l-impjiegi. Jekk dawn id-differimenti jkunu ta’ applikazzjoni ġenerali u ma jiffavorux ċerti impriżi, jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti, dawn ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Jekk dawn ikunu ristretti, pereżempju, għal ċerti setturi, reġjuni jew tipi ta’ impriżi, dawn jinvolvu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE (21).

41.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE l-iskemi ta’ għajnuna tat-TFUE li jikkonsistu f’differimenti temporanji tat-taxxi jew ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li japplikaw għall-impriżi (inkluż individwi li jaħdmu għal rashom) li jkunu partikolarment affettwati mit-tifqigħa tal-COVID-19, pereżempju f’setturi jew reġjuni speċifiċi jew li jkunu ta’ ċertu daqs. Dan japplika wkoll għall-miżuri previsti fir-rigward ta’ obbligi fiskali u tas-sigurtà soċjali maħsuba biex itaffu r-restrizzjonijiet tal-likwidità li jħabbtu wiċċhom magħhom il-benefiċjarji, inkluż iżda mhux limitat għad-differiment ta’ pagamenti dovuti bin-nifs, għal aċċess eħfef għall-pjanijiet ta’ pagament ta’ dejn fiskali u għall-konċessjoni ta’ perjodi ħielsa mill-imgħax, sospensjoni tal-irkupru tad-dejn fiskali, u rifużjonijiet tat-taxxa mħaffa. L-għajnuna għandha tiġi konċessa qabel il-31 ta’ Diċembru 2020 u d-data ta’ tmiem għad-differiment għandha tkun mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2022.”

22.

Tiddaħħal it-taqsima li ġejja:

“Taqsima 3.10 Għajnuna fil-forma ta’ sussidji tal-pagi għall-impjegati biex jiġu evitati s-sensji matul it-tifqigħa tal-COVID-19

42.

Sabiex jiġu ppreservati l-impjiegi, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-pagi tal-impriżi (inkluż l-individwi li jaħdmu għal rashom) li inkella, minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, ikollhom jagħtu s-sensja lill-persunal. Jekk dawn l-iskemi ta’ sostenn japplikaw għall-ekonomija kollha, dawn jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni. Jekk dawn jagħtu vantaġġ selettiv lill-impriżi, li jista’ jiġri jekk ikunu ristretti għal ċerti setturi, reġjuni, jew tipi ta’ impriżi, dawn jinvolvu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

43.

Jekk dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna, il-Kummissjoni se tikkunsidrahom kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a.

L-għajnuna jkollha l-għan li tevita s-sensji matul it-tifqigħa tal-COVID-19;

b.

L-għajnuna tiġi konċessa fil-forma ta’ skemi lill-impriżi f’setturi jew reġjuni speċifiċi jew li jkunu ta’ ċertu daqs li jkunu partikolarment affettwati mit-tifqigħa tal-COVID-19;

c.

Is-sussidju tal-pagi jiġi konċess fuq perjodu ta’ mhux aktar minn tnax-il xahar wara li ssir l-applikazzjoni għall-għajnuna, għall-impjegati li inkella kienu jingħataw is-sensja b’konsegwenza tas-sospensjoni jew tat-tnaqqis tal-attivitajiet kummerċjali minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, u soġġett għall-kundizzjoni li l-persunal li jibbenefika minn dan is-sussidju jinżamm f’impjieg kontinwu għall-perjodu kollu li għalih tiġi konċessa l-għajnuna;

d.

Is-sussidju tal-pagi ta’ kull xahar ma għandux jeċċedi 80 % tas-salarju gross ta’ kull xahar (inkluż il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegatur) tal-persunal li jibbenefika minn dan is-sussidju. L-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw ukoll, b’mod partikolari fl-interess tal-kategoriji b’pagi baxxi, metodi ta’ kalkolu alternattivi tal-intensità tal-għajnuna, bħalma hu l-użu tal-medja tal-paga nazzjonali jew il-paga minima, dment li tinżamm il-proporzjonalità tal-għajnuna;

e.

Is-sussidju tal-pagi jista’ jiġi kkombinat ma’ miżuri ta’ sostenn għall-impjiegi oħra li huma ġeneralment disponibbli jew selettivi, dment li s-sostenn ikkombinat ma jwassalx għal kumpens żejjed tal-ispejjeż tal-pagi tal-persunal ikkonċernat. Is-sussidji tal-pagi jistgħu jiġu kkombinati aktar ma’ differimenti tat-taxxa u differimenti tal-pagamenti tas-sigurtà soċjali.”

23.

Il-punt 34 huwa nnumerat mill-ġdid bħala punt 44 u huwa sostitwit b’dan li ġej:

“44. Ħlief għall-għajnuna li tiġi konċessa skont it-Taqsima 3.9 u 3.10, l-Istati Membri huma obbligati li jippubblikaw informazzjoni relevanti (22) dwar kull għajnuna individwali konċessa skont din il-Komunikazzjoni fis-sit web komprensiv dwar l-għajnuna mill-Istat jew fl-għodda tal-IT tal-Kummissjoni (23) fi żmien 12-il xahar wara l-mument tal-konċessjoni.”

24.

Il-punti 35-42 huma nnumerati mill-ġdid bħala l-punti 45-52.

(1)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2020, C(2020)1863 (ĠU C 91I, 20.3.2020, p.1).

(2)  Dment li jiġu rispettati r-regoli skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ir-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) u skont ir-Regolamenti de minimis differenti, il-miżuri ta’ għajnuna temporanji koperti minn din il-Komunikazzjoni jistgħu jiġu akkumulati f’konformità mar-regoli ta’ akkumulazzjoni stabbiliti fir-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u fir-Regolamenti de minimis differenti, jiġifieri r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 9), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 tas-27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 190, 28.6.2014, p. 45) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 114, 26.4.2012, p. 8).

(3)  Kif definit fl-Artikolu 2 (18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat, (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1). Kull meta f’dan il-Qafas Temporanju ssir referenza għad-definizzjoni ta’ “impriża f’diffikultà” li tinsab fl-Artikolu 2(18) tar-Regolament (UE) Nru 651/2014, din għandha tinqara li tirreferi wkoll għad-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2(14) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 u fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament 1388/2014, rispettivament.

(4)  Kif definit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 tas-27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 190, 28.6.2014, p. 45).

(5)  Il-prodotti kollha elenkati fl-Anness I tat-TFUE bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura.

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 tas-27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 190, 28.6.2014, p. 45).

(7)  Il-pjan ta’ likwidità jista’ jinkludi kemm il-kapital operatorju kif ukoll il-kostijiet tal-investiment.

(8)  Kif definit fl-Artikolu 2 (18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(9)  Ir-rati bażi kkalkulati skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6) u ppubblikati fuq is-sit web tad-DĠ Kompetizzjoni fuq https://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/reference_rates.html.

(10)  Ir-rata minima tal-imgħax totali (ir-rata bażi flimkien mal-marġni ta’ kreditu) jenħtieġ li tkun ta’ mill-anqas 10bps fis-sena.

(11)  Ir-rata minima tal-imgħax totali (ir-rata bażi flimkien mal-marġni ta’ kreditu) jenħtieġ li tkun ta’ mill-anqas 10 punti bażi fis-sena.

(12)  Ir-rata minima tal-imgħax totali (ir-rata bażi flimkien mal-marġni ta’ kreditu) jenħtieġ li tkun ta’ mill-anqas 10bps fis-sena.

(13)  Il-bżonnijiet ta’ likwidità jistgħu jinkludu kemm il-kapital operatorju kif ukoll il-kostijiet tal-investiment.

(14)  Kif definit fl-Artikolu 2 (18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(15)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li temenda l-Anness tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir, C(2020)2044 final tas-27 ta’ Marzu 2020 (ĠU C 101I, 28.3.2020, p. 1).

(16)  Riċerka relevanti għall-COVID-19 u riċerka antivirali oħra relevanti jinkludu riċerka dwar il-vaċċini, il-prodotti u t-trattamenti mediċinali, dwar l-apparat mediku u dwar it-tagħmir mediku u tal-isptar, dwar id-diżinfettanti, u dwar l-ilbies u t-tagħmir protettiv, u dwar l-innovazzjonijiet relevanti għall-proċess għal produzzjoni effiċjenti tal-prodotti meħtieġa.

(17)  Kif definit fil-paragrafu (84), (85) u (86) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(18)  Kif definit fl-Artikolu 2 (18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(19)  Kif definit fl-Artikolu 2 (18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(20)  Kif definit fl-Artikolu 2 (18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat, ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1.

(21)  Ara wkoll il-punt 118 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea C/2016/2946, ĠU C 262, 19.07.2016, p. 1-50.

(22)  Tirreferi għall-informazzjoni meħtieġa fl-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 u tal-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 u l-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1388/2014 tas-16 ta’ Diċembru 2014. Għall-ħlas bil-quddiem ripagabbli, għall-garanziji, għas-self u għal forom oħra, jista’ jiddaħħal il-valur nominali tal-istrument sottostanti għal kull benefiċjarju. Għall-benefiċċji fuq it-taxxa u fuq il-pagamenti, l-ammont tal-għajnuna individwali jista’ jiġi indikat f’firxiet.

(23)  It-tiftix pubbliku dwar it-trasparenza tal-għajnuna mill-Istat jagħti aċċess għal data dwar għotjiet individwali ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Istati Membri f’konformità mar-rekwiżiti Ewropej ta’ trasparenza għall-għajnuna mill-Istat u huwa disponibbli fuq https://webgate.ec.europa.eu/competition/transparency/public?lang=mt