ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 111I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
3 ta' April 2020


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 111 I/01

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Linji gwida dwar l-Assistenza ta’ Emerġenza tal-UE fil-Kooperazzjoni Transkonfinali fil-Kura tas-Saħħa relatata mal-kriżi tal-COVID-19

1


MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

3.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 111/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida dwar l-Assistenza ta’ Emerġenza tal-UE fil-Kooperazzjoni Transkonfinali fil-Kura tas-Saħħa relatata mal-kriżi tal-COVID-19

(2020/C 111 I/01)

1.   Għan u Kamp ta’ Applikazzjoni

Il-pandemija tal-COVID-19 diġà qiegħdet ħafna pressjoni fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa f’għadd ta’ Stati Membri tal-UE. Ħafna jibżgħu li l-postijiet tal-kura intensiva li għandhom disponibbli mhux se jkunu biżżejjed. Il-professjonisti tas-saħħa qed jitħaddmu iżżejjed u n-nuqqas ta’ forza tax-xogħol qed jikber f’ħafna faċilitajiet tal-kura tas-saħħa. Għadd ta’ pajjiżi qed jitolbu assistenza ta’ emerġenza mill-UE u minn Stati Membri oħra tal-UE. Din is-sejħa għall-appoġġ diġà ġiet imwieġba minn xi wħud. Inizjattivi reġjonali reċenti ta’ kooperazzjoni fl-isptarijiet għall-kura ta’ pazjenti bil-COVID-19 — diversi Länder Ġermaniżi u l-Lussemburgu li qed joffru postijiet ta’ kura intensiva u kura fl-isptar għal pazjenti Taljani u Franċiżi — qed isalvaw il-ħajjiet u jgħinu biex itaffu l-kapaċitajiet tas-sistemi tas-saħħa taħt pressjoni billi jipprovdu postijiet ta’ kura intensiva. Dan huwa sinjal inkoraġġanti u importanti ta’ solidarjetà Ewropea. Peress li dawn huma sitwazzjonijiet ta’ emerġenza eċċezzjonali, huwa ġustifikat approċċ aktar koordinat fil-kura tas-saħħa transkonfinali (1).

Il-Kummissjoni Ewropea tappella lill-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali, reġjonali u lokali biex jagħmlu użu sħiħ:

mill-istrutturi u mekkaniżmi eżistenti biex jaħdmu flimkien ħalli jgħinu lill-pazjenti fil-bżonn ta’ kura kritika billi joffru l-kapaċità disponibbli ta’ sodod fl-isptarijiet, u

mill-professjonisti tas-saħħa disponibbli li jikkostitwixxu s-sinsla tas-sistemi tas-saħħa tagħna u jippermettulhom jaqsmu l-għarfien espert u l-ħiliet fil-waqt li jaħdmu id f’id mal-professjonisti tas-saħħa minn naħa għal oħra tal-fruntieri

sabiex itaffu l-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa mġebbda żżejjed fl-Istati Membri fil-bżonn, sa fejn ma jqiegħdux f’riskju l-funzjonament tas-sistemi tas-saħħa tagħhom stess.

Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata bis-sħiħ li tassisti lill-awtoritajiet tas-saħħa billi:

tikkoordina postijiet ta’ kura intensiva mitluba u offerti għall-pazjenti u għal persunal mediku kwalifikat kif xieraq permezz tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa u s-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Reazzjoni (Health Security Committee and the Early Warning and Response System - EWRS);

tikkoordina u tikkofinanzja t-trasport ta’ emerġenza ta’ pazjenti u timijiet kwalifikati kif xieraq ta’ persunal mediku minn naħa għal oħra tal-fruntieri meta l-Istati Membri jitolbu assistenza permezz tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE;

tipprovdi ċarezza dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa għal trattament fi Stat Membru ieħor f’konformità mar-Regolamenti ta’ Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali;

tipprovdi ċarezza dwar l-arranġamenti għall-mobbiltà tal-pazjenti minn naħa għal oħra tal-fruntieri: it-trasferiment tar-rekords tal-pazjenti, il-kontinwità tal-kura u r-rikonoxximent reċiproku ta’ riċetti mediċi konformi mad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali;

tħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-saħħa lokali, reġjonali u nazzjonali biex jużaw, fejn jeżistu, ftehimiet bilaterali u reġjonali u punti ta’ kuntatt biex jittaffa l-piż ta’ unitajiet ta’ kura kritika li jittrattaw lil pazjenti bil-COVID-19 fir-reġjun ġar;

tħeġġeġ lill-Istati Membri jew lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi speċjalizzati biex jibagħtu timijiet kwalifikati b’mod xieraq ta’ persunal mediku minn naħa għal oħra tal-fruntieri.

2.   Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa biex jikkoordina assistenza transkonfinali fil-kura tas-saħħa

Il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa tal-UE (2), magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut mill-Kummissjoni, jappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni u l-koordinazzjoni tat-tħejjija u r-risponsi għal theddid serju transkonfinali għas-saħħa.

Il-Kummissjoni, permezz tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa tal-UE u s-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Reazzjoni, se tiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ talbiet għal assistenza tal-kura tas-saħħa transkonfinali. It-talbiet għall-assistenza jistgħu jkunu relatati ma’ postijiet intensivi ta’ kura, ma’ trattament u ma’ trasferiment ta’ pazjenti kif ukoll ma’ timijiet kwalifikati kif xieraq ta’ persunal mediku.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jeħtieġ l-assistenza tinnotifika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-EWRS. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom is-setgħa li jiddeterminaw il-kriterji għal meta tkun tista’ tintalab l-assistenza mill-UE.

L-Istati Membri li jistgħu joffru assistenza jistgħu jwieġbu għat-talba permezz tal-EWRS. Ladarba tiġi aċċettata offerta, l-Istati Membri li qed jikkooperaw jikkoordinaw l-appoġġ direttament ma’ xulxin u mal-isptarijiet fir-rigward tad-dettalji tal-appoġġ.

Il-Kummissjoni se taġġorna b’mod regolari tabella fil-qosor tat-talbiet u tal-assistenza disponibbli u l-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa se jinżamm infurmat.

3.   Trasport ta’ emerġenza ta’ pazjenti: koordinazzjoni u kofinanzjament

Iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC) jipprovdi servizz 24/7 li jista’ jikkoordina u jikkofinanzja t-trasport mediku meħtieġ.

Meta l-Istati Membri jitolbu tali assistenza, l-ERCC jattiva l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili f’konformità mal-proċeduri standard tiegħu (3).

4.   Rimborż tal-ispejjeż mediċi tal-pazjent fl-Istat Membru li qed jittratta

Il-kopertura tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa se tkun irregolata mir-Regolamenti ta’ Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali (4).

Pazjenti li għandhom jiġu ttrasportati fi sptar f’pajjiż ġar jew fi Stat Membru ieħor li joffri assistenza normalment jenħtieġ li jkollhom awtorizzazzjoni minn qabel mill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali kompetenti. Dan mhuwiex prattiku fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 u s-sitwazzjoni ta’ emerġenza.

Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jieħdu approċċ prammatiku għal pazjenti li jkunu jeħtieġu kura urġenti u fid-dawl tal-emerġenza pubblika li jikkunsidraw awtorizzazzjoni ġenerali minn qabel biex tkun żgurata l-kopertura tal-ispejjeż kollha mġarrba mill-fornitur tal-kura tas-saħħa ospitanti.

Huwa rakkomandat li għandu jkun biżżejjed li l-Istat Membru kompetenti jiżgura li l-pazjent iġorr dokument li juri li hu kopert fiż-żmien tal-ammissjoni fl-isptar jew xi arranġamenti prattiċi oħra li l-Istati Membri involuti jistgħu jaqblu dwarhom. Din il-gwida tapplika għal kura tas-saħħa ta’ emerġenza fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 biss.

Għall-pazjenti li għadhom jistgħu jaċċessaw il-kura tas-saħħa ppjanata mhux urġenti, il-proċeduri tas-soltu japplikaw fil-prinċipju għall-kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor (5).

5.   Arranġamenti tal-kura tas-saħħa għal pazjenti transkonfinali

L-Istati Membri għandhom jikkondividu s-sommarji tal-pazjenti u r-riċetti elettroniċi tal-pazjenti billi jużaw MyHealth@EU, fejn jintużaw dawn is-servizzi (6). Barra minn hekk, il-pazjenti għandhom jirċievu kopja tar-rekords mediċi tagħhom biex jiġu ffaċilitati kemm it-trattament fi Stat Membru ieħor, kif ukoll it-trattament ta’ segwitu f’pajjiżhom.

L-awtoritajiet tas-saħħa jista’ jkollhom bżonn jieħdu passi addizzjonali biex jiżguraw il-kontinwità tal-kura, minħabba d-differenzi possibbli fil-protokolli ta’ trattament bejn il-fruntieri.

Il-prinċipju ġenerali tar-rikonoxximent reċiproku tar-riċetti japplika f’konformità mad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali (7).

Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali jistgħu jipprovdu informazzjoni ġenerali għall-pazjenti transkonfinali (8).

6.   Il-moviment liberu tal-pazjenti minn naħa għal oħra tal-fruntieri interni

Għaċ-ċittadini tal-UE jibqgħu japplikaw ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Moviment Liberu (9). Il-pazjenti li jeħtieġu kura urġenti f’faċilità tal-kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor ma għandhomx jiġu rrifjutati d-dħul fejn jeżistu kontrolli temporanji fil-fruntieri interni. Jenħtieġ li l-pazjenti li jivvjaġġaw għal trattament għal kura mhux urġenti fi Stat Membru ieħor jivverifikaw li l-kontrolli fuq il-fruntieri jippermettulhom jivvjaġġaw.

Jenħtieġ li s-servizzi ta’ trasport ta’ emerġenza jkollhom prijorità fis-sistema tat-trasport (permezz tal- “korsiji ħodor” (10) f’konformità mal-COVID-19 Linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri).

Jeħtieġ li jittieħdu miżuri xierqa ta’ sikurezza għal persuni li huma identifikati li jippreżentaw riskju għas-saħħa pubblika mill-COVID-19.

7.   Kooperazzjoni transkonfinali fil-qasam tal-kura tas-saħħa fir-reġjuni tal-fruntiera

L-UE tappoġġa l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni tas-sistemi tas-saħħa fir-reġjuni tal-fruntiera mal-programmi Interreg tagħha (fil-fatt, inħolqu seba’ żoni ta’ aċċess organizzat għall-kura tas-saħħa transkonfinali fil-fruntiera bejn Franza u l-Belġju; iċ-ċentri ta’ kontroll ta’ emerġenza tal-Awstrija ta’ Isfel, tal-Bohemja ta’ Isfel u tal-Moravia ta’ Isfel huma illinkjati f’ħin reali sabiex jippermettu d-dispaċċ transkonfinali tal-ambulanzi taħt l-inizjattiva Healthacross; fir-Renu ta’ Fuq fil-fruntiera bejn Franza, il-Ġermanja, u l-Iżvizzera, il-proġett TRISAN jikkoordina l-attivitajiet ta’ netwerking biex jittejbu l-ħiliet tal-professjonisti fis-settur tal-kura tas-saħħa).

Diversi proġetti fir-reġjuni ta’ Interreg issa qed jikkontribwixxu għal approċċ aktar ikkoordinat għall-pandemija. Il-Euregio Meuse-Rhine (NL/BE/D) fiż-żona ta’ Maastricht-Aachen-Liege-Hasselt waqqaf ċentru tri-laterali ta’ ġestjoni tal-kriżijiet (Task Force Corona). L-isptar transkonfinali ta’ Cerdanya (ES) bejn Franza u Spanja jikkoopera flimkien ma’ sptarijiet Franċiżi biex jaqsmu l-kapaċità ta’ kura intensiva u l-persunal, filwaqt li jaħdmu mal-pulizija tal-fruntieri biex jiżguraw aċċess għall-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa.

Jenħtieġ li l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali jużaw il-flessibilità massima offruta mill-programmi Interreg biex jindirizzaw l-isfidi tal-pandemija. Ħafna reġjuni tal-fruntiera diġà għandhom storja ta’ kooperazzjoni u strutturi għaliha, inkluż fis-saħħa, li issa jenħtieġ li jiġu sfruttati bis-sħiħ biex jgħinu lil xulxin fl-ispirtu tas-solidarjetà Ewropea.

8.   Persunal tal-kura tas-saħħa li jaħdem flimkien minn naħa għal oħra tal-fruntieri

Il-moviment liberu tal-professjonisti tas-saħħa

Huwa imperattiv li l-ħaddiema kritiċi jkunu jistgħu jaslu fid-destinazzjoni tagħhom mingħajr dewmien. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiffaċilitaw il-qsim bla xkiel tal-fruntieri għall-professjonisti tas-saħħa u jippermettulhom aċċess mingħajr xkiel biex jaħdmu f’faċilità tal-kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor (11).

Timijiet Mediċi ta’ Emerġenza

L-Istati Membri jew l-NGOs speċjalizzati jistgħu jibagħtu timijiet kwalifikati b’mod xieraq ta’ persunal mediku minn naħa għal oħra tal-fruntieri, b’rispons għal talbiet għal assistenza.

Tmien Timijiet Ewropej Mediċi ta’ Emerġenza huma diġà akkreditati mid-WHO, jew qegħdin fil-proċess li jkunu, għall-assistenza internazzjonali għall-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, li tista’ tintuża permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili b’reazzjoni għal talba. Il-kapaċità eżistenti bħalissa hija limitata peress li l-persunal jista’ fil-biċċa l-kbira tal-każijiet diġà jkun okkupat b’mod sħiħ f’pajjiżu. Madankollu, it-Timijiet Mediċi Ewropej jistgħu jiġu estiżi permezz tal-attivazzjoni ta’ appoġġ finanzjarju addizzjonali tal-UE.

Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali tas-Saħħa

Bosta professjonijiet tas-saħħa, pereżempju t-tobba b’taħriġ mediku bażiku, għadd ta’ speċjalizzazzjonijiet mediċi, bħall-mediċina respiratorja, l-immunoloġija jew il-mard li jittieħed u l-infermiera ta’ kura ġenerali, huma bbażati fuq armonizzazzjoni minima skont id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (12). F’każijiet ta’ provvista ta’ servizzi temporanji u okkażjonali, tista’ tintalab biss dikjarazzjoni sempliċi għal dawn il-professjonisti mingħajr mingħajr ma jkollhom bżonn jistennew deċiżjoni mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti. Għal professjonijiet oħra tas-saħħa, tista’ ssir proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku, jekk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li jkun meħtieġ li tiġi mqabbla s-sustanza tat-taħriġ.

Id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali tistabbilixxi l-aktar li jista’ jkun meħtieġ minn professjonisti tas-saħħa li jixtiequ jiċċaqalqu fi ħdan l-UE; ma tobbligax lill-Istati Membri jimponu restrizzjonijiet fir-rigward ta’ proċeduri ta’ rikonoxximent u għalhekk ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jieħdu approċċ aktar liberali lejn it-trattament ta’ professjonisti tas-saħħa li jkunu deħlin, kemm għal skopijiet ta’ forniment ta’ servizzi kif ukoll għal skopijiet ta’ stabbiliment ta’ servizzi, pereżempju billi jitneħħa r-rekwiżit għal dikjarazzjoni minn qabel u kontroll minn qabel għal kwalifiki, billi jiġu applikati skadenzi iqsar għat-trattament ta’ applikazzjonijiet, billi jintalbu inqas dokumenti mis-soltu, billi ma tintalab l-ebda traduzzjoni ċċertifikata jew billi ma tintalabx miżura ta’ kumpens meta l-Istat Membru ospitanti jqis li ma hemm l-ebda riskju kbir għas-sikurezza tal-pazjenti.

Tista’ tingħata aktar gwida mill-Kummissjoni dwar aspetti rilevanti għall-mobilità transkonfinali tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa.

Naqsmu l-Għarfien Kliniku u l-Għarfien Espert fl-UE: COVID19 CMSS (Sistema ta’ Appoġġ għall-Ġestjoni Klinika tal-COVID-19)

L-awtoritajiet kompetenti u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri qed jitħeġġu jużaw il-COVID19 CMSS (Sistema ta’ Appoġġ għall-Ġestjoni Klinika tal-COVID-19) sabiex jiżguraw skambju rapidu ta’ għarfien u esperjenza fost it-tobba mill-UE u ż-ŻEE kollha dwar l-immaniġjar tal-pazjenti b’COVID-19 severa. Kull tabib li jaħdem fi sptar li qed jittratta każijiet kumplessi tal-COVID-19 jista’ jkollu aċċess għas-sistema tal-Web Conferencing u jiġi appoġġat minn Helpdesk iddedikat billi jibgħat e-mail lil SANTE-COVID-CLINICIANS-NETWORK@ec.europa.eu.

9.   Assistenza finanzjarja għall-kooperazzjoni transkonfinali fil-qasam tal-kura tas-saħħa

L-UE toffri assistenza finanzjarja lill-Istati Membri affettwati minn emerġenza tas-saħħa pubblika permezz tal-Fond ta’ Solidarjetà (13).

In-nefqa fuq is-saħħa hija wkoll nefqa eliġibbli taħt il-Fondi Strutturali għal pajjiżi u reġjuni u ġiet prevista aktar flessibbiltà għat-trasferiment tal-fondi bħala parti mir-rispons ekonomiku kkoordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19.

X’aktarx isiru disponibbli dalwaqt mezzi finanzjarji addizzjonali mill-baġit tal-UE permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza (ESI) soġġett għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet baġitarji. Il-fondi mgħoddija mill-ESI huma mistennija li jkopru l-kooperazzjoni transkonfinali biex tittaffa l-pressjoni fuq is-sistemi tas-saħħa fl-aktar reġjuni milquta tal-UE. B’mod partikolari, it-trasport ta’ pazjenti fil-bżonn lejn sptarijiet transkonfinali li jkollhom kapaċità libera x’joffru, l-iskambju ta’ professjonisti mediċi, li jilqgħu pazjenti barranin jew tip ieħor ta’ appoġġ reċiproku u l-użu ta’ faċilitajiet temporanji ta’ kura tas-saħħa.


(1)  Il-kura tas-saħħa transkonfinali, kif definita fid-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali, hija definita bħala kura tas-saħħa mogħtija jew preskritta fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni; din ma tikkonċernax esklussivament il-kura tas-saħħa pprovduta fi Stat Membru ġar.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1.

(3)  https://ec.europa.eu/echo/what/civil-protection/mechanism_en

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(5)  https://europa.eu/youreurope/citizens/health/planned-healthcare/index_mt.htm

(6)  CZ, EE, FI, HR, LU, MT, PT. Għal aktar dettalji, ara https://ec.europa.eu/health/ehealth/electronic_crossborder_healthservices_mt.

(7)  Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45

(8)  https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/cross_border_care/docs/cbhc_ncp_mt.pdf

(9)  Id-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77

(10)  https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/policies/european-agenda-migration/20200316_covid-19-guidelines-for-border-management.pdf

(11)  Communication on guidelines for the exercise of the free movement of workers – C (2020) 2051 final

(12)  Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22

(13)  Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 sabiex jipprovdi assistenza finanzjarja lill-Istati Membri u lill-pajjiżi li qed jinnegozjaw l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni li jkunu affettwati serjament minn emerġenza tas-saħħa pubblika maġġuri ĠU L 99, 31.3.2020, p. 9