ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 102I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
30 ta' Marzu 2020


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il-Bank Ċentrali Ewropew

2020/C 102 I/01

Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2020 dwar id-distribuzzjonijiet tad-dividendi matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1 (BĊE/2020/19)

1


 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 102 I/02

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — COVID-19 — Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni tal-arranġamenti ta’ tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti fuq il-politika dwar il-viżi

3

2020/C 102 I/03

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — COVID-19 Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema

12


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Bank Ċentrali Ewropew

30.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 102/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-27 ta’ Marzu 2020

dwar id-distribuzzjonijiet tad-dividendi matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1

(BĊE/2020/19)

(2020/C 102 I/01)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jikkunsidra li huwa kruċjali li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jkomplu jwettqu l-irwol tagħhom li jiffinanzjaw lill-unitajiet domestiċi, l-impriżi żgħar u medji u l-korporazzjonijiet waqt ix-xokk ekonomiku marbut mal-marda tal-coronavirus 2019 (COVID 19). Għal dan il-għan, huwa għalhekk essenzjali li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jikkonservaw il-kapital sabiex jappoġġaw lill-ekonomija f’ambjent ta’ inċertezza akbar ikkawżata minn COVID 19. Għal dan il-għan, ir-riżorsi kapitali biex tiġi appoġġata l-ekonomija reali u biex jiġi assorbit it-telf għandu jieħu prijorità fil-preżent fuq distribuzzjonijiet diskrezzjonali ta’ dividendi u xiri lura ta’ ishma.

(2)

Għalhekk, il-BĊE jikkunsidra li huwa xieraq li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti joqogħdu lura milli jiddistribwixxu dividendi u jwettqu xiri lura ta’ ishma bil-għan li jagħtu remunerazzjoni lill-azzjonisti matul il-perijodu tax-xokk ekonomiku relatat mal-COVID-19. Minħabba ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali r-Rakkomandazzjoni (BĊE/2020/1) tal-Bank Ċentrali Ewropew (2) għandha titħassar.

(3)

Sabiex jiġi massimizzat l-appoġġ lill-ekonomija reali, huwa kkunsidrat xieraq ukoll li d-distribuzzjonijiet diskrezzjonali ta’ dividendi lanqas m’għandhom isiru minn istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinifikanti,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

I.

1.

Il-BĊE jirrakkomanda li tal-anqas sal-1 ta’ Ottubru 2020 l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma jħallsu l-ebda dividend (3) u ma jidħlu għal ebda impenn irrevokabbli biex iħallsu dividendi għas-sena finanzjarja 2019 u 2020 u li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu joqogħdu lura minn xiri lura ta’ ishma mmirat biex tingħata remunerazzjoni lill-azzjonisti.

2.

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jistgħux jikkonformaw ma’ din ir-Rakkomandazzjoni għaliex iqisu li huma legalment meħtieġa li jħallsu dividendi għandhom jispjegaw minnufih ir-raġunijiet sottostanti lit-tim superviżorju konġunt tagħhom.

3.

Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika fuq livell konsolidat ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni kif definit fil-punt (22) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (4) u fuq livell individwali ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni kif definit fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17), jekk dik l-entità sinifikanti taħt superviżjoni ma tkunx parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni.

II.

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u lill-gruppi sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fil-punti (16) u (22) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17).

III.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-awtoritajiet nominati fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fil-punti (7) u (23) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17). L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet nominati huma mistennija li japplikaw din ir-Rakkomandazzjoni għal dawk l-entitajiet u gruppi, kif jidhrilhom li huwa xieraq.

IV.

Il-BĊE għandu jkompli jevalwa s-sitwazzjoni ekonomika u jikkunsidra jekk huwiex rakkomandabbli li jkun hemm sospensjoni ulterjuri tad-dividendi wara l-1 ta’ Ottubru 2020.

V.

Ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1 tal-Bank Ċentrali Ewropew hija b’dan imħassra.

Magħmul fi Frankfurt am Main, 27 ta’ Marzu 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta' Jannar 2020 dwar politiki għad-distribuzzjoni ta’ dividendi (ĠU C 30, 29.1.2020, p. 1).

(3)  L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jista’ jkollhom diversi forom legali, eż. kumpaniji elenkati u kumpaniji mhux b’ishma konġunti bħal kumpaniji reċiproċi, kooperattivi jew istituzzjonijiet ta’ tfaddil. It-terminu “dividend” kif użat f’din ir-Rakkomandazzjoni jirreferi għal kwalunkwe tip ta’ ħlas fi flus kontanti li jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-assemblea ġenerali.

(4)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17),


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

30.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 102/3


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

COVID-19

Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni tal-arranġamenti ta’ tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti fuq il-politika dwar il-viżi

(2020/C 102 I/02)

Il-coronavirus infirex madwar id-dinja u wassal għal miżuri differenti biex jillimitaw il-pass tal-kontaġju. Fl-10 ta’ Marzu 2020, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern enfasizzaw il-ħtieġa għal approċċ Ewropew konġunt u koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea. B’mod partikolari, il-Ministri tas-Saħħa u l-Ministri tal-Intern ġew mistiedna jikkonsultaw kuljum biex jiżguraw koordinazzjoni xierqa u jimmiraw għal gwida Ewropea komuni (1).

Id-dimensjoni tat-theddida globali li qed niffaċċjaw illum tenfasizza l-ħtieġa imperattiva għall-koordinazzjoni tal-UE, biex l-impatt potenzjali tal-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali jiġi mmassimizzat.

Huwa f’dan il-kuntest li fis-16 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill (2), fejn talbet restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE minħabba l-COVID-19 (il-Komunikazzjoni). Hija riedet tiżgura li l-azzjoni meħuda fil-fruntieri esterni tal-UE tkun koerenti u xierqa.

Il-Komunikazzjoni tikkomplementa l-Linji gwida tal-Kummissjoni għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali (3) (il-Linji gwida) li l-objettiv tagħhom hu li tiġi protetta s-saħħa taċ-ċittadini, li jiġi żgurat it-trattament xieraq ta’ persuni li l-ivvjaġġar tagħhom huwa essenzjali, u li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali fl-UE.

Il-Komunikazzjoni ssottolinjat li l-fruntiera esterna tal-UE jenħtieġ li taġixxi bħala perimetru ta’ sigurtà u li l-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen jenħtieġ li jirrestrinġu kwalunkwe vvjaġġar mhux essenzjali minn pajjiżi terzi lejn iż-żona UE+. Hija għamlitha ċara li għandhom id-dritt jiċħdu d-dħul fil-fruntieri esterni lil “ċittadini mhux residenti minn pajjiżi terzi jekk juru sintomi rilevanti jew kienu partikularment esposti għar-riskju ta’ infezzjoni u jkunu meqjusa ta’ theddida għas-saħħa pubblika” (4).

Fis-17 ta’ Marzu 2020, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern approvaw it-talba biex jissaħħu l-fruntieri esterni permezz tal-applikazzjoni ta’ restrizzjoni temporanja kkoordinata fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE għal perjodu ta’ 30 jum, fuq il-bażi tal-approċċ propost mill-Kummissjoni. Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern approvaw ukoll il-Linji gwida dwar il-ġestjoni tal-fruntieri (5).

Fuq il-bażi tal-miżuri nazzjonali adottati biex tiġi żgurata tali azzjoni koordinata fil-fruntieri esterni tal-UE, jenħtieġ li l-gwardji tal-fruntiera — skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — jiċħdu d-dħul lil dawk iċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li l-ivvjaġġar tagħhom mhuwiex meqjus essenzjali f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Sabiex tassisti din l-azzjoni fil-fruntiera esterna, il-Kummissjoni ħejjiet din il-gwida (il-Gwida), li hija bbażata fuq il-kontribuzzjonijietmill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) bl-għajnuna taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) kif ukoll tal-Europol.

Il-Gwida ssegwi wkoll id-Dikjarazzjoni konġunta tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2020, li enfasizzat il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi biex ċittadini tal-UE li nqabdu f’pajjiżi terzi jkunu jistgħu jmorru lura f’darhom.

Il-Gwida tipprovdi pariri u struzzjonijiet prattiċi għall-implimentazzjoni tal-miżuri adottati mill-Istati Membri (6) u mill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen wara l-Komunikazzjoni.

B’mod partikolari, tipprovdi gwida fir-rigward ta’:

L-introduzzjoni ta’ restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar li tapplika għall-ivvjaġġar kollu mhux essenzjali minn pajjiżi terzi lejn iż-żona UE+;

L-iffaċilitar tal-arranġamenti ta’ tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE u tal-membri tal-familja tagħhom maqbuda f’pajjiżi terzi;

Is-servizz minimu f’konsulati għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża; kif ukoll

L-immaniġġjar tal-eċċess fil-perjodu tas-soġġorn minħabba r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar, inkluż għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu ta’ viża.

1.   L-introduzzjoni ta’ restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar li tapplika għall-ivvjaġġar kollu mhux essenzjali minn pajjiżi terzi lejn iż-żona UE+ (7)

a)   Punti ġenerali

Skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (8) u l-liġi nazzjonali adottata biex tiġi żgurata azzjoni koordinata fil-ġlieda kontra l-COVID-19, huwa possibbli li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex residenti jiġu miċħuda d-dħul jekk ikollhom sintomi rilevanti jew ikunu ġew esposti b’mod partikolari għar-riskju ta’ infezzjoni u jitqiesu bħala theddida għas-saħħa pubblika:

L-Artikolu 2(21) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jiddefinixxi bħala “theddida għas-saħħa pubblika” kull marda b’potenzjal ta’ epidemija fis-sens tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, u mard infettiv jew mard parassitiku kontaġjuż ieħor jekk dan il-mard ikun is-suġġett ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni li japplikaw għaċ-ċittadini tal-Istati Membri.

L-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ dħul fit-territorju għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inkluż il-kundizzjoni li ma jistgħux jippreżentaw theddida għal, fost oħrajn, is-saħħa pubblika (l-Artikolu 6(1)(e)).

L-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistipula li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għad-dħul tal-Artikolu 6(1) u li ma jaqgħux fil-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 6(5) għandhom jiġu miċħuda d-dħul (9).

Kull deċiżjoni dwar iċ-ċaħda ta’ dħul trid tkun proporzjonata u mhux diskriminatorja, u implimentata b’tali mod li jiżgura r-rispett sħiħ tad-dinjità tal-persuni kkonċernati. Miżura titqies proporzjonata bil-kundizzjoni li tkun ittieħdet wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa u dawn iqisuha adattata u meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika (10).

Gwida prattika:

Fil-formola taċ-ċaħda ta’ dħul fl-Anness V, Parti B tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen issir referenza għal theddida għas-saħħa pubblika fir-raġuni “I”. Jenħtieġ li kull Stat Membru jirreferi għal-liġi nazzjonali tiegħu b’rabta maċ-ċaħda ta’ dħul b’referenza għall-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 2(21) tal-Kodiċi tal-Fruntiera ta’ Schengen.

Jekk ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li jkunu qed jivvjaġġaw b’viża ta’ Schengen valida (l-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) jiġu miċħuda d-dħul esklussivament minħabba theddida għas-saħħa pubblika (miżuri nazzjonali minħabba sitwazzjoni ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika) jenħtieġ li jittieħdu l-passi li ġejjin:

L-interpretazzjoni tas-“sintomi rilevanti” hija importanti ħafna peress li għall-COVID-19 jista’ jkun hemm firxa ta’ sintomi respiratorji ħfief fil-bidu tal-marda. Għal persuni “... partikolarment esposti għar-riskju ta’ infezzjoni ...” jenħtieġ li tiġi segwita l-klassifikazzjoni ta’ kuntatti b’riskju għoli fir-rapport tekniku tal-ECDC;

Jenħtieġ li timtela l-formola standard għaċ-ċaħda ta’ dħul fil-fruntieri (l-Anness V, Parti B tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) u tiġi indikata r-raġuni taċ-ċaħda “I” (j/tirrappreżenta theddida għas-saħħa pubblika). Ir-referenza għall-miżura nazzjonali adottata biex tiġi żgurata azzjoni koordinata u li tiddetermina l-ambitu tar-restrizzjonijiet temporanji għal vjaġġar mhux essenzjali jenħtieġ li tkun indikata b’mod ċar;

Il-gwardja tal-fruntiera għandu jispeċifika r-raġuni għaċ-ċaħda fil-formola taħt is-sezzjoni “Kummenti”;

Il-gwardja tal-fruntiera li jwettaq il-verifiki fuq il-fruntiera għandu jagħmel timbru tad-dħul fuq il-passaport, ikkanċellat b’salib b’linka sewda li ma titħassarx u fuq il-lemin tiegħu jikteb, għal darba oħra b’linka li ma titħassarx, l-ittra “I”. Viża valida ma għandhiex tiġi ttimbrata “REVOKATA” jew “ANNULLATA” meta r-rifjut ta’ dħul ikun ġie bbażat biss fuq ir-raġuni “I”.

Sabiex jinżammu rekords aħjar dwar iċ-ċaħdiet relatati mar-restrizzjonijiet fuq vjaġġar mhux essenzjali minħabba r-raġuni ta’ theddida għas-saħħa pubblika, jenħtieġ li dan jiġi rrekordjat fis-sistemi nazzjonali ta’ verifiki fuq il-fruntiera, kull meta jkun hemm il-possibbiltà li tiddaħħal xi informazzjoni addizzjonali fir-rekord tal-passiġġier li jkun ġie kkontrollat;

Jenħtieġ li l-vjaġġatur jingħata fuljett ta’ informazzjoni dwar il-COVID-19: Infografiċi jew fuljett disponibbli mill-ECDC;

Fil-każ ta’ vjaġġatur f’saħħtu ma hemmx bżonn ta’ notifika sanitarja addizzjonali lill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ġar fejn se jintbagħat lura l-vjaġġatur minn punt ta’ qsim tal-fruntiera tal-art esterna tal-UE (traffiku bit-triq jew bil-ferrovija) jew minn punt ta’ qsim tal-fruntiera marittima esterna tal-UE (pereżempju portijiet deżinjati għal konnessjonijiet regolari bil-vapur jew portijiet oħrajn b’bastimenti tal-kruċiera jew baħħara individwali jew dgħajjes tas-sajd).

b)   Vjaġġaturi awtorizzati biex jaqsmu l-fruntieri esterni mad-dħul

(1)   Ċittadini tal-UE/ċittadini ta’ Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen u l-membri tal-familja tagħhom irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permess ta’ residenza u d-dipendenti tagħhom

Il-Komunikazzjoni tipprevedi li r-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar iridu jeżentaw liċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE u tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, għall-finijiet ta’ ritorn lejn djarhom. Din l-eżenzjoni trid tapplika għal:

iċ-ċittadini kollha tal-UE (11) u ċ-ċittadini tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, u l-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom;

iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul skont id-Direttiva dwar ir-Residenza fit-Tul (12), u persuni li jiksbu d-dritt tagħhom li jirrisjedu minn Direttivi oħra tal-UE jew minn liġi nazzjonali oħra jew li jkollhom viżi nazzjonali fit-tul.

Jenħtieġ li ċ-ċittadini ta’ San Marino, Andorra, Monaco u tal-Vatikan/tas-Santa Sede jiġu assimilati għal ċittadini tal-Istati Membri għall-applikazzjoni tar-restrizzjoni fuq vjaġġar mhux essenzjali ppreżentata fil-Komunikazzjoni fis-sens li l-Istati Membri tal-UE jenħtieġ li jippermettu d-dħul ta’ ċittadini ta’ dawk l-Istati u taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirresjedu hemm, biex iħalluhom imorru lura d-dar.

Il-persuni kollha (jiġifieri ċ-ċittadini tal-UE/tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen u ta’ pajjiżi terzi) li jaqsmu l-fruntieri esterni biex jidħlu fiż-żona Schengen huma soġġetti għal verifiki sistematiċi fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera. Il-verifiki fuq il-fruntiera jistgħu jinkludu kontrolli tas-saħħa kif stabbilit fit-Taqsima III tal-Linji Gwida (13).

L-Istati Membri dejjem iridu jaċċettaw id-dħul taċ-ċittadini tagħhom u taċ-ċittadini tal-UE jew ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa, pereżempju jitolbu l-awtoiżolament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fit-territorju tagħhom jew miżuri simili malli jirritornaw minn żona affettwata mill-COVID-19, dment li jimponu l-istess rekwiżiti fuq iċ-ċittadini tagħhom.

(2)   Ċittadini oħrajn ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jkunu awtorizzati jidħlu fl-UE minkejja l-għeluq tal-fruntiera esterna tal-UE

Ir-restrizzjoni temporanja ta’ vjaġġar mhux essenzjali jenħtieġ li ma tapplikax għall-persuni b’funzjoni jew bżonn essenzjali, inkluż:

Professjonisti tal-kura tas-saħħa, riċerkaturi tas-saħħa, u professjonisti tal-kura tal-anzjani;

ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri;

ħaddiema staġjonali fl-agrikoltura;

persunal tat-trasport;

diplomatiċi, persunal ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, persunal militari, ħaddiema tal-għajnuna umanitarja u persunal tal-protezzjoni ċivili fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom;

Passiġġieri fi tranżitu (14);

Passiġġieri li jivvjaġġaw minħabba raġunijiet imperattivi ta’ familja;

persuni fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jew għal raġunijiet umanitarji oħrajn, b’rispett tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

Jenħtieġ li jitwettqu kontrolli tas-saħħa kkoordinati u msaħħa għall-individwi li jitħallew jidħlu fiż-żona UE+.

Gwida prattika:

Meta jkunu qed iwettqu verifiki fuq il-fruntieri fir-rigward tal-vjaġġaturi awtorizzati biex jaqsmu l-fruntieri esterni mad-dħul, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinfurzaw b’mod strett il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. B’mod partikolari, dawn għandhom jivverifikaw li l-passaporti, il-karti tal-identità, il-permessi ta’ residenza jew kwalunkwe dokument ieħor ta’ sostenn ikunu awtentiċi. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinfurzaw il-verifiki sistematiċi billi jikkonsultaw is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), peress li din il-miżura tipproteġi ż-żona Schengen kontra l-potenzjal ta’ theddida terroristika jew kriminalità transfruntiera. Il-passaporti taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jiġu ttimbrati.

L-iskrinjar tas-saħħa tal-vjaġġaturi b’rabta mal-COVID-19 isir bl-użu ta’ skener termali u/jew skrinjar tas-sintomi. Iridu jiġu applikati d-deċiżjonijiet nazzjonali rigward il-proċedura ta’ dħul. Pereżempju, bosta pajjiżi ddeċidew li kull min jidħol fil-pajjiż tagħhom (anke ċ-ċittadini tagħhom stess) ikollu jqatta’ 14-il jum fi kwarantina.

L-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen jistgħu jillimitaw l-għadd ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera li għadhom miftuħin għall-kategoriji ta’ vjaġġaturi li għadhom jistgħu jidħlu fiż-żona Schengen. Din il-miżura tista’ tgħin biex tiżgura li l-miżuri tas-saħħa pubblika introdotti b’rabta mal-COVID-19 jiġu rrispettati għalkollox u li jkun hemm kontroll imsaħħaħ u ffukat fil-fruntieri esterni. Tista’ tgħin lill-Istati Membri jikkonċentraw il-forza tax-xogħol f’ċerti punti ta’ qsim tal-fruntiera attrezzati b’mod adegwat għall-konformità sħiħa mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u mal-miżuri speċjali tas-sanità.

L-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen huma mistiedna jikkomunikaw il-lista ta’ dawk il-punti ta’ qsim tal-fruntiera lill-Kummissjoni sal-1 ta’ April 2020.

(3)   Kwistjonijiet ta’ sigurtà

F’każ ta’ bżonn, il-Europol hija lesta titlob għall-istazzjonament ta’ uffiċjali mistiedna addizzjonali mill-Istati Membri biex iwettqu kontrolli ta’ sigurtà sekondarji fil-bażijiet ta’ data rilevanti (jiġifieri s-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, l-Interpol).

Fuq talba ta’ Stat Membru speċifiku tista’ tiġi intensifikata wkoll il-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-pulizija fuq bażi bilaterali/reġjonali, jekk din tkun meħtieġa għall-ġlieda jew għall-prevenzjoni ta’ reati kriminali. L-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni ta’ Prüm jipprovdi l-bażi ġuridika għall-kooperazzjoni transfruntiera f’sitwazzjonijiet ta’ folol ta’ nies u avvenimenti kbar simili, diżastri u aċċidenti serji, għall-prevenzjoni ta’ reati kriminali u biex jinżammu l-ordni pubbliku u s-sigurtà. Din tippermetti li jintbagħtu uffiċjali, speċjalisti u konsulenti u l-forniment ta’ tagħmir, fuq it-talba tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun irriżultat is-sitwazzjoni. Il-Europol tista’ tiffaċilita dan l-appoġġ. Il-Europol tista’ tipprovdi wkoll assistenza msaħħa għall-Istati Membri dwar it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u kriminalità serja oħra li tirrappreżenta riskju għall-ordni u għas-sigurtà pubblika.

Gwida prattika:

L-Istati Membri huma mfakkra dwar il-ħtieġa li fil-fruntieri esterni jagħtu aċċess u jużaw is-sistemi ta’ informazzjoni jew l-oqfsa komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni: is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II); is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża; l-Eurodac. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu kkonsultati sistemi oħra mhux tal-UE, bħall-bażi ta’ data tal-Interpol għal Dokumenti tal-Ivvjaġġar Mitlufa u Misruqa.

Fir-rigward tal-kontrolli tas-sigurtà sekondarji għall-profili ta’ riskju għoli, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu bil-kooperazzjoni u bl-iskambju ta’ informazzjoni biex jiżguraw l-aħjar użu tad-data tal-Europol, tas-SIS u tal-Interpol. Jenħtieġ li jiġi promoss użu aktar sistematiku ta’ indikaturi tar-riskju pprovduti mill-Europol u mill-Frontex għall-identifikazzjoni ta’ profili ta’ riskju għoli. Jenħtieġ li jiġi implimentat approċċ konsistenti ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni fuq tliet livelli, partikolarment rigward il-ġellieda terroristi barranin peress li l-konsultazzjoni tas-SIS II ma tkoprix l-ambitu sħiħ tas-suspettati magħrufa b’oriġini barra mill-UE. Għaldaqstant hija meħtieġa konsultazzjoni sistematika tal-bażijiet ta’ data tal-Europol biex il-kontrolli fuq il-fruntiera jestendu lil hinn mill-individwi li jinqabdu fis-SIS II.

Sabiex jitjiebu l-kontrolli tas-sigurtà, l-Istati Membri jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-Europol bil-kapaċitajiet tal-qsim tad-data, tal-akkwist tad-data u tal-analiżi tagħha, inklużi s-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol, il-kapaċitajiet tal-ġestjoni tad-data kif ukoll kapaċitajiet u għodod forensiċi oħra.

c)   Verifiki ta’ ħruġ fuq persuni li jixtiequ jitilqu mill-UE

Jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-fruntiera japplikaw il-Linji Gwida meta jwettqu l-verifiki ta’ ħruġ, kif ġej:

Jagħtu informazzjoni lill-passiġġieri dwar ir-restrizzjonijiet temporanji fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b’rabta mal-COVID-19. Jenħtieġ li l-każijiet ta’ tħassib b’rabta mal-COVID-19 jintbagħtu immedjatament lis-servizzi tas-saħħa rilevanti.

Iwettqu miżuri ta’ skrinjar tas-saħħa mal-ħruġ li jimmiraw li jivvalutaw il-preżenza ta’ sintomi u/jew l-esponiment għal COVID-19 ta’ vjaġġaturi li jitilqu minn pajjiżi milquta. Il-vjaġġaturi identifikati li kienu esposti għall-COVID-19 jew li huma infettati biha jenħtieġ li ma jitħallewx jivvjaġġaw.

Jenħtieġ li ċ-ċittadini tal-UE+ jew iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jitilqu mill-UE jiġu nnotifikati kif ġej:

Ħruġ ta’ twissija formali lill-persuni dwar il-miżuri possibbli fl-Istati Membri, fil-Pajjiżi Assoċjati ta’ Schengen jew fil-pajjiżi terzi ġirien fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ vjaġġar u saħħa, sa fejn dawn il-miżuri ġew notifikati permezz tal-mezzi xierqa ta’ komunikazzjoni.

Ħruġ ta’ twissija formali liċ-ċittadini tal-UE u liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirresjedu fi Stat Membru, li tinformahom li f’każ ta’ dħul mill-ġdid minn pajjiż terz jistgħu jiġu soġġetti għall-miżuri nazzjonali relatati mas-saħħa.

Ħruġ ta’ twissija formali għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li tinformahom dwar il-miżuri speċjali introdotti li jiġu infurzati mad-dħul u b’hekk ikunu japplikaw għalihom f’każ ta’ dħul mill-ġdid.

Jenħtieġ li din it-twissija formali tkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE u bil-lingwa/i tal-pajjiż jew tal-pajjiżi li jmissu ma’ dak l-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll b’lingwa li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jifhmu jew li b’mod raġonevoli jista’ jiġi preżunt li jifhmu.

Gwida prattika:

Filwaqt li l-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen jistgħu jillimitaw l-għadd ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera li għadhom miftuħin għall-vjaġġaturi mad-dħul, jenħtieġ li xorta jħallu lill-vjaġġaturi joħorġu minn kwalunkwe punt ta’ qsim tal-fruntiera fuq l-art jew marittimu, f’każ li l-vjaġġaturi jitfaċċaw b’mod spontanju u sakemm il-pajjiż terz ġar ta’ destinazzjoni jaċċetta d-dħul ta’ vjaġġaturi fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera ta’ wasla.

L-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen huma mistiedna jiftiehmu mal-pajjiżi terzi ġirien tagħhom liema punti ta’ qsim fuq l-art jew marittimi jibqgħu miftuħa għall-verifiki mad-dħul u/jew mal-ħruġ. Din il-miżura hija intenzjonata biex tnaqqas kemm jista’ jkun in-numru ta’ vjaġġaturi li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz ġar wara li jitlestew il-verifiki tal-ħruġ mill-awtoritajiet tal-fruntiera tal-UE/taż-żona Schengen. L-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen huma mistiedna jikkomunikaw dawn il-ftehimiet lill-Kummissjoni sal-1 ta’ April 2020.

d)   Il-prijoritizzazzjoni tal-verifiki tad-dħul minħabba s-sitwazzjoni sanitarja speċifika

Fid-dawl tal-limitazzjoni possibbli mill-Istati Membri tal-għadd ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera miftuħa għall-vjaġġaturi fil-fruntieri esterni, l-Istati Membri jistgħu jirreferu għall-Artikolu 9 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (illaxkar temporanju tal-verifiki fuq il-fruntiera) li jippermetti li l-verifiki tad-dħul jingħataw prijorità fuq il-verifiki tal-ħruġ fil-fruntieri esterni. Skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-verifiki fuq il-fruntiera fil-fruntieri esterni jistgħu jiġu llaxkati b’mod temporanju bħala riżultat ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux previsti, li jwasslu għal traffiku ta’ tali intensità li l-ħin ta’ stennija fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera jsir eċċessiv, u fejn ir-riżorsi kollha f’termini ta’ persunal, faċilitajiet u organizzazzjoni jkunu ġew eżawriti.

Jenħtieġ li f’tali ċirkostanzi jitqiesu l-punti li ġejjin:

Jenħtieġ li l-verifiki fuq il-movimenti tad-dħul jingħataw prijorità fuq il-verifiki fuq il-fruntiera mal-ħruġ;

Anki jekk il-verifiki fuq il-fruntiera jiġu llaxkati, jenħtieġ li l-gwardja tal-fruntiera jittimbra d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz kemm mad-dħul kif ukoll mal-ħruġ, f’konformità mal-Artikolu 9(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen;

Jenħtieġ li l-illaxkar tal-verifiki jkun temporanju, ikun adattat għaċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawh u jiġi abbandunat gradwalment.

Id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq huma mingħajr preġudizzju għall-miżuri sanitarji skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

Jenħtieġ li l-miżuri proposti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali (15) jitqiesu kif dovut.

Gwida prattika:

L-Istati Membri li għandhom bżonn jillaxkaw b’mod temporanju l-verifiki mal-ħruġ skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huma mħeġġa jżommu l-infurzar sħiħ tal-verifiki fuq il-fruntiera mad-dħul, ikkomplementati bil-miżuri sanitarji adegwati. Din il-miżura se tiġi ffaċilitata bil-limitazzjoni tal-għadd ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera li jibqgħu miftuħin għall-vjaġġaturi fil-fruntieri esterni.

L-informazzjoni dwar il-konsegwenzi tat-tluq mit-territorju tal-UE fis-sitwazzjoni attwali, kif imsemmija fil-punt c) hawn fuq, tista’ tikkonsisti f’avviż ġenerali preżenti f’postijiet differenti u mill-inqas bil-lingwi tal-Istati Membri kkonċernati u tal-pajjiżi ġirien kif ukoll bl-Ingliż.

e)   Il-miżuri sanitarji u ta’ sikurezza li jipproteġu lill-gwardji tal-fruntiera u lill-aġenti pubbliċi l-oħra li huma stazzjonati fil-fruntieri esterni

L-Istati Membri huma mitluba jattrezzaw lill-aġenti pubbliċi kollha li huma involuti fil-verifiki fuq il-fruntiera, doganali, sanitarji jew kwalunkwe verifika oħra fil-fruntieri esterni b’tagħmir ta’ protezzjoni personali bħal maskri, ingwanti u ġells tas-sanitizzazzjoni.

Gwida prattika:

L-iġjene tal-idejn tirreferi għall-ħasil frekwenti tal-idejn bis-sapun u l-ilma jew it-tindif tal-idejn b’soluzzjonijiet, ġells, jew tixjus alkoħoliċi. Jenħtieġ li l-idejn jinħaslu b’mod regolari bl-użu tas-sapun u l-ilma għal 20-40 sekonda. Is-sanitizzaturi tal-idejn b’bażi ta’ alkoħol ftit joffru benefiċċju miżjud meta mqabbla mas-sapun u l-ilma f’kuntesti komunitarji, u jenħtieġ li jkun fihom 60–85 % alkoħol jekk jintużaw. Poster tal-ECDC fuq kif l-idejn jinħaslu b’mod effettiv.

Ma teżistix evidenza dwar l-utilità tal-użu ta’ maskri tal-wiċċ li jintlibsu minn persuni li mhumiex morda bħala miżura ta’ mitigazzjoni tal-komunità. Madankollu, il-persuni involuti fis-servizz tal-konsumatur, li għandhom għadd kbir ta’ kuntatti wiċċ imb wiċċ, bħall-aġenti tal-fruntieri, huma f’riskju ikbar li jiltaqgħu ma’ individwi infettati. Jekk se jintużaw il-maskri, jenħtieġ li jiġu segwiti l-aħjar prattiki għal kif għandhom jintlibsu, jitneħħew u jintremew. Wara kull darba li titneħħa maskra, jenħtieġ li jiġu segwiti l-miżuri tal-iġjene tal-idejn deskritti hawn fuq.

RAPPORT TEKNIKU TAL-ECDC - guidelines for the use of non-pharmaceutical measures to delay and mitigate the impact of 2019-nCoV.

L-ECDC żviluppa kors ta’ mikrotagħlim dwar dan li jista’ jintuża għat-taħriġ tal-persunal.

Gwida għall-ilbies u t-tneżżigħ tat-tagħmir ta’ protezzjoni personali fis-settur tal-kura tas-saħħa għall-kura tal-pazjenti li għandhom suspett jew konferma ta’ infezzjoni tal-COVID-19.

2.   It-tranżitu u l-faċilitazzjoni tat-tranżitu wara r-ripatrijazzjoni

Skont id-Dikjarazzjoni konġunta tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2020 huwa meħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex ċittadini tal-UE li nqabdu f’pajjiżi terzi jkunu jistgħu jmorru lura f’darhom.

L-Istati Membri jridu jiffaċilitaw it-tranżitu ulterjuri taċ-ċittadini tal-UE u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, kif ukoll taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess ta’ residenza u tad-dipendenti tagħhom li jirritornaw lejn l-Istat Membru ta’ nazzjonalità jew ta’ residenza tagħhom.

Dan japplika b’mod partikolari għaċ-ċittadini tal-UE u għall-membri tal-familja tagħhom maqbudin barra l-pajjiż u li huma rimpatrijati lejn l-UE, irrispettivament minn jekk jaslux fuq titjiriet kummerċjali, charter jew fuq ajruplani nazzjonali.

Jenħtieġ li ċ-ċittadini tas-Serbja, tal-Maċedonja ta’ Fuq, tal-Montenegro u tat-Turkija jiġu assimilati ma’ dawk tal-Istati Membri u tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen għall-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali stipulata fil-Komunikazzjoni meta jirritornaw lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ ripatrijazzjoni skont il-Mekkaniżmu tal-Unjoni tal-Protezzjoni Ċivili, peress li dawn huma Stati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu. Irid ikun żgurat it-tranżitu tal-persuni kollha (16) u tal-familji tagħhom rimpatrijati skont il-Mekkaniżmu tal-Unjoni tal-Protezzjoni Ċivili minn Stat Membru fejn ikunu daħlu fil-fruntiera esterna sal-post tal-oriġini.

Gwida prattika:

Minħabba d-disponibbiltà mnaqqsa ta’ titjiriet kummerċjali, jenħtieġ li ċ-ċittadini li jaslu f’ajruport ta’ Stat Membru jkunu jistgħu jkomplu bit-tranżitu tagħhom bi kwalunkwe mezz ta’ trasport disponibbli. Jenħtieġ li t-tranżitu fl-UE stess ma jkunx jiddependi fuq il-forniment ta’ mezz ta’ trasport mill-Istat Membru tan-nazzjonalità jew tar-residenza taċ-ċittadin. L-għan irid ikun li jiġi żgurat li t-titjiriet disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE maqbuda barra l-pajjiż jintużaw bl-aħjar mod possibbli, billi jġorru l-passiġġieri li jirritornaw lejn id-destinazzjonijiet kollha possibbli tal-UE.

L-Istati Membri huma mitluba jinfurmaw lil-linji tal-ajru dwar l-eżenzjonijiet għar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar għaċ-ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn darhom. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, il-linji tal-ajru li jittrasportaw ċittadini tal-UE minn pajjiż terz lejn iż-żona Schengen ma jistgħux jiffaċċjaw responsabbiltà ta’ trasportaturi f’każijiet fejn it-tranżitu fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tat-titjira ma jkunx iggarantit qabel l-imbarkazzjoni tal-ajruplan. Id-dispożizzjonijiet tal-UE dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi ma japplikawx għaċ-ċittadini tal-UE u għaċ-ċaħda potenzjali ta’ dħul minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika.

Jekk Stat Membru jitlob liċ-ċittadini tal-UE jagħtu prova ta’ tranżitu ulterjuri, pereżempju biljett tal-ferrovija bbukkjat, jenħtieġ li din l-informazzjoni tkun disponibbli fuq is-siti tal-Istati Membri biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu adegwatament informati. Jenħtieġ li tali rekwiżit ikun ikkomunikat ukoll lill-Istati Membri l-oħra, inkluż lill-ambaxxati u lill-konsulati tagħhom f’pajjiżi terzi fil-kuntest tal-kooperazzjoni konsulari lokali. Sabiex ikun iffaċilitat it-tranżitu ulterjuri minn ġewwa Stat Membru, jenħtieġ li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jiksbu tali prova fil-fruntiera, pereżempju billi jkunu permessi jixtru biljetti tal-ferrovija jew tal-ajru direttament fl-ajruporti.

3.   Servizz minimu f’konsulati għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża

L-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen bħalissa japplikaw restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-fruntieri esterni tagħhom. Sabiex jitwaqqaf it-tixrid tal-COVID-19, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta’ Schengen issospendew l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża għal soġġorn qasir għal vjaġġar mhux essenzjali. Madankollu, l-awtoritajiet konsulari tal-pajjiżi ta’ Schengen huma mistiedna jsegwu l-linji gwida dwar “servizz minimu” għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża minn kategoriji speċifiċi ta’ applikanti għal viża waqt il-perjodu ta’ emerġenza tal-COVID-19. Jenħtieġ li jiġu applikati r-regoli ġenerali dwar l-eżami tal-applikazzjonijiet għal viża. Dawn il-linji gwida japplikaw ukoll jekk ikun jeżisti arranġament formali ta’ rappreżentanza.

Jekk ma jkunx jeżisti arranġament formali, jenħtieġ li f’każijiet individwali u f’ċirkostanzi straordinarji (eż. f’każ ta’ persunal li jattendi summits militari/ta’ sigurtà, għal raġunijiet mediċi urġenti eċċ.) tiġi ggarantita rappreżentanza ad hoc għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża. Jenħtieġ li l-Istat Membru li jipproċessa l-każ jikkonsulta mal-Istat Membru ta’ destinazzjoni qabel tinħareġ viża.

Jenħtieġ li t-titulari ta’ viża jiġu sistematikament imfakkra li se jintalbu jiġġustifikaw l-iskop tal-ivvjaġġar tagħhom u jippreżentaw dokumenti ta’ prova fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera. Jenħtieġ li jiġu infurmati kif xieraq ukoll dwar il-fatt li jridu jgħaddu mill-iskrinjar tas-saħħa u dwar il-konsegwenzi tal-wasla tagħhom fl-UE (jiġifieri l-possibbiltà li jkunu soġġetti għal awtoiżolament).

Il-Komunikazzjoni telenka għadd ta’ kategoriji ta’ vjaġġaturi li huma eżentati mir-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar jew li għalihom ma għandhiex tapplika r-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar. Il-vjaġġaturi f’xi wħud minn dawn il-kategoriji jistgħu jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi taħt ir-rekwiżit ta’ viża għal soġġorn qasir.

Minkejja l-għeluq parzjali temporanju tas-sezzjonijiet tal-viża, il-konsulati tal-Istati Membri (u possibbilment fornituri esterni tas-servizzi li jiġbru l-applikazzjonijiet) jenħtieġ għalhekk li jibqgħu miftuħin u li jaċċettaw u jittrattaw l-applikazzjonijiet għal viża mill-kategoriji ta’ vjaġġaturi li ġejjin:

Membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE koperti mid-Direttiva 2004/38/KE;

Professjonisti tal-kura tas-saħħa, riċerkaturi tas-saħħa, u professjonisti tal-kura tal-anzjani;

ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri;

persunal tat-trasport;

diplomatiċi, persunal ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, persunal militari u ħaddiema tal-għajnuna umanitarja fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom;

Passiġġieri li jkollhom bżonn jgħaddu miż-żoni ta’ tranżitu internazzjonali tal-ajruporti bejn titjiriet konnessi barra minn Schengen.

passiġġieri li jivvjaġġaw minħabba raġunijiet imperattivi ta’ familja.

Jenħtieġ li jiġu applikati r-regoli ġenerali dwar l-eżami tal-applikazzjonijiet għal viżi għal soġġorn qasir u għal viża għal tranżitu fl-ajruport (Kodiċi dwar il-Viżi).

Validità tal-viża maħruġa: huwa rrakkomandat li viżi għal dħul multiplu u viżi li jippermettu tranżiti fl-ajruport multipli jinħarġu awtomatikament b’validità ta’ mill-inqas sitt xhur, u durata awtorizzata tas-soġġorn ta’ 90 jum (ħlief għall-viżi għal tranżitu fl-ajruport).

Informazzjoni għall-pubbliku: Jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-pubbliku fil-postijiet ikkonċernati dwar il-prassi li se tkun segwita. Jenħtieġ li tiġi ffavorita informazzjoni komuni mill-Istati Membri kollha.

Informazzjoni lill-pajjiż ospitanti: dawn il-linji gwida qed jinqasmu mal-korrespondenti tal-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen fid-Delegazzjonijiet tal-UE, u huwa rrakkomandat li din l-informazzjoni tinqasam mal-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi ospitanti.

Gwida prattika:

F’tali każijiet, l-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen huma mistiedna jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali tal-punt ta’ qsim tal-fruntiera tal-UE/ta’ Schengen fejn vjaġġatur huwa mistenni li jasal b’viża ta’ Schengen li kienet maħruġa minħabba ċirkostanza straordinarja.

4.   L-immaniġġjar tal-eċċess fil-perjodu tas-soġġornminħabba r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar, inkluż għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu ta’ viża.

Is-soġġorn tat-titulari ta’ viża li jinsabu fiż-żona Schengen u li ma jistgħux jitilqu malli tiskadi l-viża għal soġġorn qasir jista’ jiġi estiż għal soġġorn massimu ta’ 90/180 jum mill-awtoritajiet deżinjati tal-Istati Membri (17). Jekk it-titulari ta’ viża jkollhom bilfors jibqgħu wara l-perjodu estiż ta’ 90/180 jum, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti joħorġu viża nazzjonali għal żmien twil jew permess tar-residenza temporanju.

Jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu ta’ viża jkollhom bilfors jibqgħu wara l-perjodu estiż ta’ 90/180 jum, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti joħorġu viża nazzjonali għal żmien twil jew permess tar-residenza temporanju.

L-Istati Membri huma mħeġġa jirrinunzjaw sanzjonijiet amministrattivi jew multi kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux f’sitwazzjoni li jitilqu mit-territorju tagħhom minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. L-eċċess fil-perjodu tas-soġġorn permess dovut għar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ma għandux jitqies fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet futuri għal viża.


(1)  https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2020/03/10/statement-by-the-president-of-the-european-council-following-the-video-conference-on-covid-19/

(2)  COM(2020) 115 tas-16.03.2020.

(3)  C(2020) 1753 tas-16.3.2020.

(4)  Ara l-Punt IV.15 tal-Linji Gwida.

(5)  L-Istati Membri kollha (apparti l-Irlanda) u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen applikaw ir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar.

(6)  https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2020/03/17/conclusions-by-the-president-of-the-european-council-following-the-video-conference-with-members-of-the-european-council-on-covid-19/

(7)  Iż-“żona UE+” tinkludi l-Istati Membri kollha ta’ Schengen (inklużi l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija), kif ukoll l-erba’ Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen. Din tkun tinkludi wkoll l-Irlanda u r-Renju Unit jekk jiddeċiedu li jallinjaw.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).

(9)  Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċjali li jirrigwardaw id-dritt għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali jew il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn fit-tul (f’konformità mal-Artikolu 14(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).

(10)  COVID-19 Linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali, C(2020) 1753 final, Brussell, (ĠU C 86I 16.3.2020. p 1).

(11)  Dawn jinkludu ċ-ċittadini tal-Irlanda bħala Stat Membru, għalkemm mhux Stat ta’ Schengen. Iċ-ċittadini tar-Renju Unit għadhom iridu jiġu ttrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadini tal-UE sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

(12)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44).

(13)  COVID-19 Linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali, C(2020) 1753 final, Brussell, (ĠU C 86I 16.3.2020. p 1).

(14)  Inklużi dawk li ġew rimpatrijati permezz ta’ assistenza konsulari.

(15)  C(2020) 1897, (ĠU C96I, 24.3.2020, p. 1).

(16)  Iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE, tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, ir-Renju Unit u l-Istati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni tal-Protezzjoni Ċivili.

(17)  http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/doc_centre/borders/docs/annex_27_authorities_competent_for_extension.pdf


30.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 102/12


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

COVID-19 Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema

(2020/C 102 I/03)

Il-kriżi tal-Covid-19 wasslet għall-introduzzjoni ta’ miżuri bla preċedent fost l-Istati Membri tal-UE, inkluż l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom.

Il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali (1) stabbilew il-prinċipji għal approċċ integrat għall-ġestjoni effettiva tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa pubblika filwaqt li tiġi ppreservata l-integrità tas-suq intern. Skont il-paragrafu 23 tal-Linji Gwida, l-Istati Membri għandhom jippermettu u jiffaċilitaw il-qsim tal-ħaddiema bejn il-fruntieri, b’mod partikolari iżda mhux biss dawk li jaħdmu fil-kura tas-saħħa u fis-settur tal-ikel, u f’servizzi essenzjali oħra (eż. il-kura tat-tfal, il-kura tal-anzjani, il-persunal kritiku għall-utilitajiet) biex jiżguraw attività professjonali kontinwa.

Filwaqt li jistgħu jkunu ġġustifikati restrizzjonijiet għad-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema għal raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, dawn iridu jkunu neċessarji, proporzjonati u bbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji.

Il-ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri, il-ħaddiema stazzjonati (2) kif ukoll il-ħaddiema staġjonali jgħixu f’pajjiż iżda jaħdmu f’ieħor. Ħafna minnhom huma kruċjali għall-Istati Membri ospitanti tagħhom, pereżempju għas-sistema tal-kura tas-saħħa, għall-forniment ta’ servizzi essenzjali oħra inkluż l-installazzjoni u l-manutenzjoni tat-tagħmir mediku u tal-infrastruttura medika, jew għall-iżgurar tal-forniment tal-oġġetti. Għalhekk huwa kruċjali li jkun hemm approċċ koordinat fil-livell tal-UE li jiffaċilita l-ħajja ta’ dawn il-ħaddiema sabiex ikunu jistgħu jaqsmu l-fruntieri interni.

Wara s-sejħa tal-Kunsill Ewropew (3) lill-Kummissjoni biex tindirizza s-sitwazzjoni tal-ħaddiema li jaqsmu l-fruntieri u dawk staġjonali li jeħtieġ li jkunu jistgħu jkomplu bl-attivitajiet essenzjali filwaqt li jevitaw li tkompli l-imxija tal-virus, u minbarra l-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali, b’mod partikolari l-paragrafu 23 tagħhom, il-Linji Gwida deskritti hawn taħt jistiednu lill-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi li jiżguraw approċċ koordinat fil-livell tal-UE (4). Dan huwa b’rabta mal-ħaddiema msemmija hawn fuq, b’mod partikolari l-ħaddiema li jkollhom bżonn jaqsmu l-fruntieri sabiex jaslu fil-post tax-xogħol tagħhom minħabba li jeżerċitaw okkupazzjonijiet kritiċi billi jwettqu attivitajiet relatati ma’ servizzi essenzjali. Dan għandu japplika wkoll f’każijiet fejn il-ħaddiema msemmija hawn fuq jużaw Stat Membru biss bħala pajjiż ta’ tranżitu sabiex jaslu fi Stat Membru ieħor. Dawn il-Linji Gwida huma mingħajr preġudizzju għall-miżuri speċifiċi deskritti fil-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor (5) jew fil-Linji Gwida dwar l-Iffaċilitar tal-Operazzjonijiet tal-Merkanzija bl-Ajru matul it-tifqigħa tal-COVID-19 (6).

L-Istati Membri għandhom jittrattaw lill-persuni li jaħdmu għal rashom u li jeżerċitaw l-okkupazzjonijiet kritiċi elenkati f’dawn il-Linji Gwida bl-istess mod.

Ħaddiema li jeżerċitaw okkupazzjonijiet kritiċi

1.

F’xi partijiet tal-UE, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntiera, il-ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri jeżerċitaw okkupazzjonijiet kritiċi li għalihom il-moviment bla xkiel bejn il-fruntieri huwa essenzjali. Ir-restrizzjonijiet introdotti mill-Istati Membri b’rabta mal-qsim tal-fruntieri tagħhom jistgħu jwasslu għal diffikultajiet addizzjonali jew saħansitra jfixklu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-kriżi tal-Covid-19.

2.

Il-moviment liberu kontinwu tal-ħaddiema kollha b’okkupazzjonijiet kritiċi huwa essenzjali, inkluż dak tal-ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri u dak tal-ħaddiema stazzjonati. L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-ħaddiema jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u jkollhom aċċess bla xkiel għall-post tax-xogħol tagħhom, b’mod partikolari jekk jeżerċitaw waħda mill-okkupazzjonijiet li ġejjin (7):

Il-professjonisti tas-saħħa inkluż il-professjonisti paramediċi;

Il-ħaddiema tal-kura personali fis-servizzi tas-saħħa, inkluż il-ħaddiema tal-kura tat-tfal, tal-persuni b’diżabbiltà u tal-anzjani;

Ix-xjentisti fl-industriji marbuta mas-saħħa;

Il-ħaddiema fl-industrija farmaċewtika u tal-apparati mediċi;

Il-ħaddiema involuti fil-forniment tal-oġġetti, b’mod partikolari fil-katina tal-provvista tal-mediċini, il-provvisti mediċi, l-apparati mediċi u t-tagħmir ta’ protezzjoni personali, inkluż fl-installazzjoni u l-manutenzjoni tagħhom;

Il-professjonisti tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni;

It-tekniċi tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni u tekniċi oħra għall-manteniment essenzjali tal-apparat;

Il-professjonisti tal-inġinerija bħat-tekniċi u l-inġiniera tal-enerġija u t-tekniċi tal-inġinerija elettrika;

Il-persuni li jaħdmu f’infrastrutturi kritiċi jew bi kwalunkwe mod ieħor essenzjali;

Il-professjonisti assoċjati tax-xjenza u tal-inġinerija (inkluż it-tekniċi tal-impjanti tal-ilma);

Il-ħaddiema tas-servizzi ta’ protezzjoni;

Il-ħaddiema tat-tifi tan-nar/l-uffiċjali tal-pulizija/il-gwardji tal-ħabs/il-gwardji tas-sigurtà;

Il-ħaddiema li jimmanifatturaw u li jipproċessaw l-ikel, u dawk li jaħdmu f’oqsma simili u ta’ manutenzjoni relatata;

L-operaturi tal-makkinarju tal-ikel u ta’ prodotti relatati (inkluż l-operaturi tal-produzzjoni tal-ikel);

Il-ħaddiema tat-trasport (8), b’mod partikolari:

Is-sewwieqa tal-karozzi, tal-vannijiet u tal-muturi (9), is-sewwieqa tat-trakkijiet tqal u tal-karozzi tal-linja (inkluż is-sewwieqa tal-karozzi tal-linja u tat-trammijiet) u s-sewwieqa tal-ambulanzi, inkluż dawk is-sewwieqa li jittrasportaw l-assistenza offruta fil-qafas tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u dawk li jittrasportaw liċ-ċittadini ripatrijati tal-UE minn Stat Membru ieħor lejn il-post tal-oriġini tagħhom;

Il-bdoti tal-linji tal-ajru;

Is-sewwieqa tal-ferroviji; il-ħaddiema tal-ispezzjoni tal-vaguni, il-persunal tal-workshops tal-manutenzjoni kif ukoll il-persunal tal-maniġers tal-infrastruttura involut fil-ġestjoni tat-traffiku u fl-allokazzjoni tal-kapaċità;

Il-ħaddiema marittimi u tan-navigazzjoni interna;

Is-sajjieda;

Il-persimal tal-istituzzjonijiet pubbliċi, inkluż l-organizzazzjonijiet internazzjonali, b’funzjoni kritika.

3.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri speċifiċi, li ma jkunux ta’ piż u li jkunu rapidi, għall-punti ta’ qsim tal-fruntieri bi fluss regolari ta’ ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri u dawk stazzjonati, biex jiġi żgurat passaġġ bla xkiel għalihom. Dan jista’ jsir pereżempju, fejn ikun xieraq, permezz ta’ korsiji apposta fil-fruntieri li jistgħu jużaw dawn il-ħaddiema jew permezz ta’ stickers speċifiċi rikonoxxuti mill-Istati Membri ġirien sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għat-territorju tal-Istat Membru tal-impjieg. Din il-ġimgħa l-Kummissjoni se tikkonsulta b’urġenza wkoll lill-Kumitat Tekniku dwar il-Libertà ta’ Moviment għall-Ħaddiema sabiex tidentifika l-aqwa prattiki li jistgħu jiġu estiżi għall-Istati Membri kollha, sabiex dawn il-ħaddiema jkunu jistgħu jeżerċitaw l-okkupazzjonijiet kruċjali tagħhom mingħajr xkiel żejjed.

Skrinjar tas-saħħa

4.

L-iskrinjar tas-saħħa għall-ħaddiema stazzjonati u għal dawk li jaħdmu bejn il-fruntieri jrid isir bl-istess kundizzjonijiet bħal fil-każ ta’ ċittadini li jeżerċitaw l-istess okkupazzjonijiet.

5.

Jista’ jsir skrinjar tas-saħħa qabel jew wara l-fruntieri, skont l-infrastruttura disponibbli, biex jiġi żgurat li t-traffiku ma jeħilx. L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw bejniethom biex l-iskrinjar tas-saħħa jsir fuq naħa waħda biss tal-fruntiera, sabiex ma jkunx hemm xogħol doppju u jiġu evitati l-perjodi ta’ stennija. Il-kontrolli u l-iskrinjar tas-saħħa ma għandhomx jirrikjedu li l-ħaddiema joħorġu mill-vetturi, u fil-prinċipju għandhom ikunu bbażati fuq il-kejl elettroniku tat-temperatura tal-ġisem. Normalment, il-ħaddiema ma għandhomx isirulhom iktar minn tliet kontrolli tat-temperatura fl-istess jum. F’każ li l-ħaddiem ikollu d-deni u l-awtoritajiet tal-fruntieri jqisu li ma għandux jitħalla jkompli l-vjaġġ, il-ħaddiem għandu jkollu aċċess għal kura tas-saħħa xierqa bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru tal-impjieg. L-informazzjoni dwar din il-persuna għandha tiġi kondiviża mal-Istat Membru ġar ikkonċernat.

6.

Għall-ħaddiema tat-trasport imsemmija fil-paragrafu 19 tal-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor, japplikaw il-miżuri speċifiċi tal-iskrinjar tas-saħħa msemmija f’dawk il-Linji Gwida.

Ħaddiema oħra

7.

L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri jkomplu jaqsmu l-fruntieri tagħhom biex jaslu fil-post tax-xogħol tagħhom jekk ix-xogħol fis-settur ikkonċernat ikun għadu permess fl-Istat Membru ospitanti.

8.

F’sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal bidla fl-Istat Membru tal-assigurazzjoni tal-ħaddiem (10), l-Istati Membri għandhom jużaw l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (11) bil-ħsieb li jżommu l-istess kopertura tas-sigurtà soċjali li kellu l-ħaddiem ikkonċernat. Sabiex japplika għal din l-eċċezzjoni, l-impjegatur irid iressaq talba lil dak l-Istat Membru li l-ħaddiem jirrikjedi li jkun soġġett għal-leġiżlazzjoni tiegħu.

Ħaddiema staġjonali

9.

Xi setturi tal-ekonomija, b’mod partikolari s-settur agrikolu, jiddependu ferm f’diversi Stati Membri fuq il-ħaddiema staġjonali minn Stati Membri oħra. Sabiex jirrispondu għan-nuqqas ta’ ħaddiema f’dawn is-setturi bħala riżultat tal-kriżi, l-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar il-ħtiġijiet differenti tagħhom, pereżempju permezz ta’ kanali stabbiliti tal-Kumitat Tekniku dwar il-Libertà ta’ Moviment għall-Ħaddiema. Ta’ min ifakkar li f’ċerti ċirkostanzi l-ħaddiema staġjonali fl-agrikoltura jwettqu funzjonijiet kritiċi marbuta mal-ħsad, mat-tħawwil jew mal-ħarsien tar-raba’. F’sitwazzjoni bħal din, l-Istati Membri għandhom jittrattaw lil dawk il-ħaddiema bl-istess mod bħall-ħaddiema li jeżerċitaw l-okkupazzjonijiet kritiċi msemmija hawn fuq. Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jippermettu lil ħaddiema bħal dawn ikomplu jaqsmu l-fruntieri tagħhom biex jaħdmu jekk ix-xogħol fis-settur ikkonċernat ikun għadu permess fl-Istat Membru ospitanti. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw ukoll il-ħtieġa li l-impjegaturi jipprevedu protezzjoni adegwata tas-saħħa u tas-sikurezza.

10.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri speċifiċi biex jiżguraw passaġġ bla xkiel għal dawn il-ħaddiema, u se tuża wkoll il-Kumitat Tekniku dwar il-Libertà ta’ Moviment għall-Ħaddiema biex tidentifika l-aqwa prattiki li jistgħu jiġu estiżi għall-Istati Membri kollha sabiex dawn il-ħaddiema jkunu jistgħu jeżerċitaw l-okkupazzjonijiet kruċjali tagħhom mingħajr xkiel żejjed.

(1)  C(2020) 1753 final

(2)  Ħaddiema li jintbagħtu jaħdmu temporanjament fi Stat Membru differenti minn dak ta’ min jimpjegahom sabiex jagħtu servizz.

(3)  Il-Paragrafu 4 tad-Dikjarazzjoni konġunta tal-Membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2020.

(4)  Il-Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja ta’ vvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni ta’ arranġamenti ta’ tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti tal-politika dwar il-viżi C (2020)2050 final, fiha miżuri relatati mal-ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri u dawk staġjonali u li ġejjin minn pajjiż terz.

(5)  C(2020) 1897 final.

(6)  C(2020) 2010 final

(7)  Il-kategoriji jsegwu l-klassifikazzjoni ESCO (il-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi) li hija l-klassifikazzjoni multilingwi Ewropea tal-Ħiliet, tal-Kompetenzi, tal-Kwalifiki u tal-Impjiegi. Ara https://ec.europa.eu/esco/portal/howtouse/21da6a9a-02d1-4533-8057-dea0a824a17a

(8)  Ara gwida speċifika ulterjuri dwar il-ħaddiema tat-trasport f’C(2020) 1897 final – Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali.

(9)  Is-sewwieqa tal-muturi, imma biss meta jittrasportaw il-provvisti mediċi, l-apparati mediċi jew it-tagħmir ta’ protezzjoni personali.

(10)  F’każ ta’ pluriattività f’żewġ Stati Membri, meta ħaddiem li jaħdem bejn il-fruntieri attwalment ikun jaħdem kemm fl-Istat Membru tal-impjieg kif ukoll fl-Istat Membru tar-residenza, u jkun assigurat fl-Istat Membru tal-impjieg minħabba li l-attività tiegħu fl-Istat Membru tar-residenza mhijiex sostanzjali, u jaqbeż il-limitu ta’ 25 % tal-ħin tax-xogħol bħala riżultat tal-miżuri ta’ kwarantina meħuda minn ċerti Stati Membri.

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali.