ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 39

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
5 ta' Frar 2020


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

2020/C 39/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-iżviluppi fin-negozjati interistituzzjonali dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021–2027

1

 

RIŻOLUZZJONIJIET

2020/C 39/02

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Is-Semestru Ewropew 2019 u fid-dawl tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2020

7

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

2020/C 39/03

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Rakkomandazzjonijiet dwar it-tfassil b’suċċess ta’ strateġiji ta’ żvilupp reġjonali wara l-2020

11

 

OPINJONIJIET

2020/C 39/04

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Komunikazzjoni aħjar għall-politika ta’ koeżjoni

16

2020/C 39/05

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-kontribut tal-KtR għall-Aġenda Territorjali mġedda, b’enfasi speċjali fuq l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità

21

2020/C 39/06

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030: Segwitu tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima

27

2020/C 39/07

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Implimentazzjoni tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa: il-pjani nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima (NECPs) bħala għodod għal approċċ ta’ governanza lokali u territorjali għall-klima, l-enerġija attiva u l-enerġija passiva

33

2020/C 39/08

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-kontribut tar-reġjuni u l-bliet għall-qafas ta’ politika ġdid tal-UE għall-SMEs

38

2020/C 39/09

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Rapport ta’ implimentazzjoni dwar l-akkwist pubbliku

43

2020/C 39/10

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Regolazzjoni aħjar: nagħtu rendikont u nżommu l-impenn tagħna

48

2020/C 39/11

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tixjiħ attiv u b’saħħtu

53

2020/C 39/12

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Trasformazzjoni strutturali soċjoekonomika tar-reġjuni tal-faħam fl-Ewropa

58

2020/C 39/13

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Id-deni Afrikan tal-ħnieżer u s-suq tal-majjal tal-UE

62

2020/C 39/14

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-pastoraliżmu

65

2020/C 39/15

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Infrastrutturi tar-Riċerka: il-Futur taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) minn perspettiva reġjonali u transfruntiera

68

2020/C 39/16

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew għar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi permezz ta’ tranżizzjoni tal-enerġija innovattiva u sostenibbli fil-livell reġjonali u lokali

72

2020/C 39/17

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Bliet intelliġenti: sfidi ġodda għal tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika — kif għandna nimplimentaw l-SDGs fil-ħajja reali?

78

2020/C 39/18

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Ewropa Diġitali għal kulħadd: noffru soluzzjonijiet diġitali intelliġenti u inklużivi fil-prattika

83


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-iżviluppi fin-negozjati interistituzzjonali dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021–2027

(2020/C 39/01)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

COM(2018) 375 final

Rakkomandazzjoni għall-Emenda 1

Artikolu 32

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31, l-Istat Membru jista’ jipproponi li jieħu azzjonijiet addizzjonali ta’ azzjoni teknika sabiex isaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-Istat Membru, tal-benefiċjarji u tal-imsieħba rilevanti, meħtieġa għall-użu u l-amministrazzjoni b’mod effettiv tal-Fondi. (…)

Minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31, l-Istat Membru jista’ jipproponi li jieħu azzjonijiet addizzjonali ta’ azzjoni teknika sabiex isaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-Istat Membru, tal-benefiċjarji u tal-imsieħba rilevanti, meħtieġa għall-użu u l-amministrazzjoni b’mod effettiv tal-Fondi, kif ukoll għat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, inkluż l-investiment komplementari fit-tagħmir . (…)

Raġuni

Fid-dawl tad-diskontinwità tal-objettiv tematiku 11, il-KtR iqis li huwa importanti li jiġi żgurat appoġġ għall-bini tal-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta’ azzjonijiet tat-tip tal-objettiv tematiku 11 fil-programmi kollha.

COM(2018) 383 final/2

Rakkomandazzjoni għall-Emenda 2

Artikolu 2(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

1.   L-objettiv ġenerali tal-Programm huwa li jipproteġi u jippromovi d-drittijiet u l-valuri kif imnaqqxa fit-Trattati tal-UE, inkluż billi jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex is-soċjetajiet miftuħa, demokratiċi u inklużivi jiġu sostnuti.

1.   L-objettiv ġenerali tal-Programm huwa li jipproteġi u jippromovi d-drittijiet u l-valuri kif imnaqqxa fit-Trattati tal-UE, inkluż billi jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u r-rappreżentanti tagħhom , sabiex is-soċjetajiet miftuħa, demokratiċi u inklużivi jiġu sostnuti abbażi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri .

Raġuni

Il-komunitajiet lokali u reġjonali huma benefiċjarji tal-fondi tal-programm u għandhom rwol importanti x'jaqdu, b'mod partikolari biex jippromovu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej.

COM(2018) 383 final/2

Rakkomandazzjoni għall-Emenda 3

Artikolu 18(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati mal-Programm, u l-azzjonijiet u r-riżultati tiegħu. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu relatati mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 2.

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni relatati mal-Programm, u l-azzjonijiet u r-riżultati tiegħu, b’mod partikolari permezz tan-netwerk taċ-Ċentri ta’ Informazzjoni Europe Direct . Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu relatati mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 2.

3.     L-UE se tikkomunika bl-aħjar mod il-possibbiltajiet ta' finanzjament lill-benefiċjarji potenzjali kollha sabiex tiżgura l-involviment ta' organizzazzjonijiet differenti fl-Istati Membri u fl-istati msieħba differenti. L-applikanti għandu jkollhom aċċess għal punt ta' kuntatt li jipprovdilhom appoġġ, iwieġeb il-mistoqsijiet tagħhom dwar il-proċess tal-applikazzjoni u li jkun jista' jivverifika li l-applikazzjoni tagħhom hija kompluta qabel tintbagħat.

Raġuni

Huwa importanti li l-possibbiltajiet offruti lill-komunitajiet lokali u reġjonali kollha u lill-partijiet interessati l-oħrajn kollha li jistgħu jkunu interessati jiġu kkomunikati bl-aħjar mod u b’mod sħiħ, biex jiġi evitat li l-imsieħba privileġġjati tal-UE jew l-aktar organizzazzjonijiet infurmati biss jibbenefikaw minnhom.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

1.

itenni d-dispjaċir tiegħu dwar id-daqs propost tal-QFP li jmiss, li jista’ jimminal-impatt finali mixtieq f’oqsma ta’ politika individwali tal-UE. Il-KtR jopponi bil-qawwa t-tnaqqis baġitarju propost għall-Politika ta’ Koeżjoni u l-Politika Agrikola Komuni, li jkollu effett detrimentali fuq l-iżvilupp tar-reġjuni u l-bliet tal-UE. Għalhekk, il-KtR jikkonferma mill-ġdid l-appell qawwi tiegħu li l-QFP futur għandu jkun stabbilit għal mill-inqas 1,3 % tal-ING tal-UE-27 biex jiġi żgurat baġit li jkun proporzjonat għall-ħtiġijiet, l-aspettattivi u t-tħassib taċ-ċittadini tal-UE;

2.

jinsab estremament imħasseb dwar il-progress kajman tad-diskussjonijiet dwar il-QFP 2021–2027 fil-Kunsill u jistaqsi jekk l-iskeda ta’ żmien, stabbilita mill-mexxejja f’Ġunju — li n-negozjati tal-QFP jintemmu sa tmiem l-2019 — għadx tista’ tiġi rispettata; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex, b’mod urġenti, tressaq pjan ta’ kontinġenza, li jevita interruzzjoni possibbli tal-programmi f’każ li l-QFP jiġi aottat tard;

3.

jenfasizza li QFP b’saħħtu jeħtieġ riżorsi proprji affidabbli u stabbli. Il-KtR huwa favur is-semplifikazzjoni tan-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE, b’mod partikolari l-proposta għat-tneħħija gradwali tat-tnaqqis kollu b’rabta mal-Istati Membri u sabiex jiġi ssemplifikat id-dħul ibbażat fuq il-VAT. Il-KtR ifakkar li ma jista’ jintlaħaq l-ebda qbil dwar in-naħa tal-infiq tal-QFP sakemm ma jsirx progress korrispondenti fuq in-naħa tad-dħul tiegħu;

4.

jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi mekkaniżmi effettivi li jiżguraw ir-rispett għall-istat tad-dritt, inkluż l-aktar pjan ta’ azzjoni reċenti bbażat fuq tliet pilastri (1. Il-promozzjoni: jitkattar l-għarfien u kultura komuni dwar l-istat tad-dritt, 2. Il-prevenzjoni: Kooperazzjoni u appoġġ biex l-istat tad-dritt jissaħħaħ fil-livell nazzjonali, 3. Ir-rispons: Infurzar fil-livell tal-UE meta jfallu l-mekkaniżmi nazzjonali); jenfasizza li, fid-dawl ta’ dan, l-awtoritajiet lokali u reġjonali — bħala korpi eletti lokalment — jistgħu jaqdu rwol ewlieni biex jippromovu l-istat tad-dritt u biex jidentifikaw ir-riskji fir-rigward tiegħu; billi jinvolvu liċ-ċittadini fid-demokrazija parteċipattiva, jibnu kultura ta’ stat tad-dritt u jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet essenzjali għal dan il-għan, inkluża l-midja ħielsa u indipendenti. Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istruttura tat-tliet pilastri għandu għalhekk jissaħħaħ. Madankollu, filwaqt li jilqa’ l-assigurazzjonijiet tal-Kummissjoni li trid tiżgura finanzjament bla xkiel għall-benefiċjarji finali tal-UE fil-każ li tinbeda azzjoni kontra Stat Membru, il-KtR għadu jopponi kondizzjonalità li tillimita l-aċċess tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-finanzjament mill-Politika ta’ Koeżjoni minħabba nuqqasijiet li jħarsu l-istat tad-dritt jew il-prinċipji demokratiċi fil-livell nazzjonali. Għalhekk il-KtR jistenna li l-Kummissjoni tiżviluppa azzjonijiet ulterjuri għall-protezzjoni tal-interessi tal-benefiċjarji finali u jtenni t-talba preċedenti tiegħu biex jiġu stabbiliti kriterji ċari biex jiġi determinat x’jikkostitwixxi nuqqas ġeneralizzat fir-rigward tal-istat tad-dritt;

5.

jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex il-QFP isir aktar flessibbli, filwaqt li jindirizza fil-ħin sfidi ġodda u mhux previsti, iżda jopponi l-idea ta’ Strument ta’ Marġni Uniku amalgamat kif issuġġerit mill-Kunsill fil-Kaxxa ta’ Negozjar; jenfasizza l-ħtieġa għal bilanċ bejn il-flessibbiltà akbar u ċ-ċertezza tal-ippjanar fit-tul tal-programmi, speċjalment dawk taħt ġestjoni kondiviża;

6.

jaqbel mas-sejħa tal-Parlament Ewropew għal reviżjoni sħiħa ta’ nofs it-terminu tal-QFP, li tippermetti analiżi bir-reqqa tal-kisba tal-għanijiet ewlenin, b’mod partikolari dwar it-tibdil fil-klima u l-integrazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, l-użu tal-istrumenti kollha ta’ flessibbiltà u l-arranġament mill-ġdid potenzjali tagħhom u, eventwalment, aġġustament sinifikanti tal-intestaturi tal-QFP, inkluż il-ħolqien possibbli ta’ intestaturi jew limiti massimi ġodda;

7.

jilqa’ l-fatt li l-kaxxa tan-negozjar issa tinkludi test li jirrikjedi integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għall-azzjonijiet kollha ffinanzjati mill-baġit fit-tul tal-UE. Barra minn hekk, għandu jiġi intensifikat, imxerred u sistematizzat l-ibbaġitjar sensittiv għall-kwistjonijiet tal-ġeneru, u għandha tiġi adottata strateġija ġdida u fit-tul dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mill-iżjed fis possibbli;

8.

jinnota li minħabba l-ġeografija, in-natura u/jew il-firxa tar-rabtiet kummerċjali tagħhom, xi reġjuni se jkunu esposti aktar għall-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni minn oħrajn. Għalhekk il-KtR iqis li huwa importanti li jiġu identifikati soluzzjonijiet prattiċi għall-appoġġ sabiex jiġu indirizzati l-isfidi għar-reġjuni kkonċernati wara l-ħruġ tar-Renju Unit. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiżguraw li l-avvenimenti ta’ ristrutturar li jirriżultaw minn ħruġ diżordinat tar-Renju Unit jiġġustifikaw ukoll il-mobilizzazzjoni ad hoc tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u jtenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tivvaluta l-ħtieġa possibbli għal rispons aktar strutturat fil-perjodu medju u dak twil permezz ta’ fond ta’ stabbilizzazzjoni għal dawk ir-reġjuni li jintlaqtu l-agħar mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, li jkun ibbażat fuq riżorsi addizzjonali u ma jkunx għad-detriment tal-Politika ta’ Koeżjoni;

9.

itenni t-tħassib tiegħu dwar it-tneħħija tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR), li jirriskja li jimmina l-approċċ integrat tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment f’żoni rurali. Għalhekk jappella li l-FAEŻR jiġi introdott mill-ġdid fis-CPR;

10.

ifakkar li l-FSE+, bħala strument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jeħtieġ li jibqa’ pilastru essenzjali tal-politika ta’ koeżjoni; f’dan ir-rigward jilqa’ l-proposta tal-Kunsill — espressa fl-abbozz attwali tal-Kaxxa ta’ Negozjar — biex tinħoloq subintestatura separata għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

11.

jenfasizza l-importanza tal-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli u jesprimi l-oppożizzjoni soda tiegħu għal kwalunkwe tentattiv biex jiddgħajfu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tas-CPR propost. Jappella wkoll għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi ta’ Kondotta fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ sħubija u li jitfasslu pjanijiet biex jiġi żgurat li l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jirriżulta fi sħubija sħiħa;

12.

jenfasizza l-importanza tal-ftehimiet ta’ sħubija għall-koordinazzjoni strateġika bejn il-fondi u għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u msieħba oħrajn fl-istadju bikri tal-proċess. Jappella għalhekk li l-ftehimiet ta’ sħubija jibqgħu obbligatorji, irrispettivament mill-ammont ta’ riżorsi mill-Fondi jew mill-għadd ta’ programmi;

13.

itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-idea negattiva tal-kundizzjonalità makroekonomika li — b’riżultat tar-rabta bejn il-FSIE u l-governanza ekonomika — tinvolvi li l-bliet u r-reġjuni jispiċċaw ostaġġi minħabba l-fallimenti tal-gvernijiet nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-KtR jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Parlament Ewropew biex jitħassar l-Artikolu 15 tas-CPR;

14.

jinsisti, fir-rigward tal-Artikolu 21 tas-CPR, li kwalunkwe trasferiment bejn il-Fondi jew mill-Fondi lejn strumenti oħrajn tal-Unjoni taħt ġestjoni diretta jew indiretta, għandu jkun limitat għal massimu ta’ 5 % tal-allokazzjonijiet finanzjarji tal-programm u jeħtieġ li jkun bi qbil mal-awtoritajiet ta’ ġestjoni rilevanti, ikun ta’ rilevanza għall-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni, jikkonforma bis-sħiħ mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u mal-governanza f’diversi livelli u m’għandux idgħajjef l-approċċ ibbażat fuq il-post tal-fondi;

15.

f’konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, il-finanzjament għar-reġjuni li huma deklassifikati fil-kategorija għall-perjodu 2021–2027, għandu tal-anqas jinżamm fil-livell tal-allokazzjonijiet tal-2014–2020;

16.

jirrifjuta l-proposta tal-Kunsill rigward l-Artikolu 22 tas-CPR, li tħalli fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri jekk jużawx strumenti territorjali integrati jew le. Minflok, jappella għal adozzjoni ferm ogħla tal-istrumenti territorjali fl-Istati Membri u allokazzjoni obbligatorja fil-fondi kollha sabiex jiġu ssodisfati l-għanijiet tal-Aġenda Territorjali (TA) imġedda u tal-koeżjoni;

17.

jenfasizza l-ħtieġa li titqies is-sitwazzjoni partikolari u l-ħtiġijiet speċifiċi taż-żoni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi, fosthom ir-reġjuni insulari, kemm fil-Ftehimiet ta’ Sħubija kif ukoll fil-programmi, f’konformità mal-Artikolu 174 tat-TFUE;

18.

jikkonferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu dwar id-dispożizzjonijiet tas-CPR li ġew inklużi fil-Kaxxa ta’ Negozjar mill-Kunsill, b’mod partikolari dwar l-eliġibbiltà tar-reġjuni, ix-xibka ta’ sikurezza reġjonali, ir-rati ta’ kofinanzjament, il-livell ta’ prefinanzjament, ir-regoli ta’ diżimpenn u l-baġit għal kooperazzjoni territorjali tradizzjonali;

19.

jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif enfasizzat mill-fatt li, fl-2019, 17-il Stat Membru rċevew rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li jindirizzaw kwistjonijiet ta’ kapaċità amministrattiva fil-livell reġjonali u lokali. Filwaqt li jqis ir-riskju ta’ tnaqqis fl-ammont ta’ riżorsi għall-azzjonijiet tal-bini ta’ kapaċità, li huma direttament aċċessibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali taħt ġestjoni kondiviża, jipproponi li jiġi rivedut l-Artikolu 32 tas-CPR propost, jew l-Artikolu 2 tar-regolament propost tal-FEŻR/FK sabiex ikunu jistgħu jittieħdu azzjonijiet simili għal dawk iffinanzjati taħt l-objettiv tematiku 11 tal-politika ta’ koeżjoni fil-QFP attwali fil-programmi operattivi kollha;

20.

jinsisti b’rabta mal-programmi implimentati taħt il-FEŻR li r-riżorsi f’kull Stat Membru huma kkonċentrati fuq il-kategoriji ta’ reġjuni kklassifikati skont il-parametri proposti mill-Kummissjoni u jaqbel mal-Parlament li f’każijiet debitament ġustifikati, bħal pereżempju għar-reġjuni ultraperiferiċi, l-Istati Membri f’konsultazzjoni mar-reġjuni kkonċernati jistgħu jitolbu għal tnaqqis fil-konċentrazzjoni tematika fil-livell tal-kategorija tar-reġjuni. Il-mira għal konċentrazzjoni fuq l-għan ta’ politika “Ewropa aktar ekoloġika, b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju” (PO 2) għandha tkun mill-inqas 30 % għall-kategoriji kollha ta’ reġjuni sabiex jiġu implimentati bis-sħiħ l-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi;

21.

jaqbel mal-Parlament Ewropew li jiġu allokati mill-inqas 5 % tar-riżorsi disponibbli tal-FEŻR fil-livell nazzjonali għal żvilupp territorjali integrat f’żoni mhux urbani bi żvantaġġi naturali, ġeografiċi jew demografiċi, jew bi sfidi skont id-definizzjonijiet proposti mill-Artikolu 10a l-ġdid. Dawn l-istrateġiji jistgħu jibbenefikaw ukoll minn approċċ b’diversi fondi, b’mod partikolari għal proġetti integrati taħt il-“Patt dwar l-Irħula Intelliġenti”;

22.

itenni li jiddispjaċih għall-proposta tal-Kummissjoni li jitnaqqas is-sehem tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea tal-baġit ta’ koeżjoni minn 2,75 % għal 2,5 % u jopponi bil-qawwa d-deċiżjoni li l-kooperazzjoni transfruntiera marittima titmexxa mill-komponent 1 “transfruntiera” għall-komponent 2 “transnazzjonali”. Għalhekk jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Parlament Ewropew biex jiġu emendati l-impenji stipulati fl-Artikolu 104(7) tas-CPR sabiex jiżdied il-baġit għall-kooperazzjoni territorjali tradizzjonali (komponenti 1 u 4) għal madwar 3 % tal-baġit ta’ koeżjoni;

23.

jenfasizza l-importanza tal-programm INTERREG, li wera li huwa indispensabbli għal ħafna awtoritajiet reġjonali kemm għall-iskambju ta’ għarfien espert u l-aħjar prattika dwar sfidi ewlenin, iżda wkoll għall-bini ta’ rabtiet umani u l-promozzjoni tal-identità Ewropea;

24.

jappoġġja baġit addizzjonali ta’ EUR 970 miljun għal investimenti interreġjonali fl-innovazzjoni li jagħtu prijorità lill-eċċellenza, iżda wkoll li jagħtu spinta lill-koeżjoni territorjali billi jgħinu lil reġjuni inqas innovattivi biex jinvolvu ruħhom fl-isforz biex tinkiseb l-innovazzjoni interreġjonali Ewropea; Il-fondi Interreg diġà dgħajfa ma għandhom taħt l-ebda ċirkostanza jkunu soġġetti għal aktar restrizzjonijiet;

25.

iqis li, minħabba l-ħtieġa li tiġi ffinanzjata ekonomija blu emerġenti, is-sorveljanza marittima u l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar flimkien mas-sajd, il-baġit globali tal-FEMS kellu jiżdied għal-limitu minimu ta’ 1 % tal-QFP għall-2021–2027;

26.

itenni l-pożizzjoni tal-KtR li l-FEMS għandu jappoġġja l-politika marittima integrata u t-tkabbir tal-ekonomija blu permezz ta’ pjattaformi reġjonali għall-finanzjament ta’ proġetti innovattivi u li l-programmi operattivi nazzjonali taħt il-FEMS jinkludu programm operattiv reġjonali għall-awtoritajiet sottonazzjonali b’kompetenzi fis-sajd u l-affarijiet marittimi;

27.

jipproponi t-tisħiħ tal-appoġġ finanzjarju globali tal-UE għall-iżvilupp rurali, li naqas b’mod sinifikanti meta mqabbel mal-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti u għalhekk jirrifjuta t-tnaqqis propost ta’ 28 % fil-baġit tal-iżvilupp rurali fi ħdan il-Politika Agrikola Komuni (PAK) u jopponi l-possibbiltà ta’ trasferiment mit-tieni għall-ewwel pilastru tal-PAK;

28.

iqis li żieda kbira biss fil-baġit tal-Unjoni tista’ tiġġustifika valutazzjoni mill-ġdid tal-pakkett Orizzont Ewropa, li fil-każ għandu jkun ikkonċentrat fuq il-Pilastru III u t-taqsima dwar it-Tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka billi tiġi appoġġjata parteċipazzjoni usa’;

29.

huwa tal-fehma li l-programm Erasmus+ jiġi estiż sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni fi ħdan l-UE, tittejjeb l-aċċettazzjoni tal-integrazzjoni Ewropea u jiġu promossi laqgħat maċ-ċittadini żgħażagħ Ewropej;

30.

iqis li huwa essenzjali li jkun hemm qafas preċiż għas-sinerġiji bejn id-diversi fondi u l-programm qafas; jenfasizza l-importanza kruċjali ta' approċċ abbażi ta' kokostruzzjoni effettiva, b'mod partikolari biex tkun stabbilita t-Tikketta ta' Eċċellenza;

31.

jopponi bil-qawwa l-fatt li l-għażla tat-trasferiment ta’ sehem mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni għall-programm Orizzont Ewropa għandha tiġi deċiża mill-Istati Membri minflok mill-awtorità ta' ġestjoni rilevanti. L-arranġamenti biex dawn il-fondi jiġu sfruttati għandhom jiġu deċiżi bi ftehim bejn dik l-awtorità u l-Kummissjoni, filwaqt li jiġi żgurat ir-ritorn ta’ dawn il-fondi liż-żona ġeografika kkonċernata;

32.

jenfasizza r-rwol li tista’ taqdi implimentazzjoni tajba tal-miżuri tal-FEG biex jittaffew l-effetti ta’ inċidenti mhux mistennija b’riżultat ta’ ristrutturar kbir; jappoġġja bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-PE li l-evalwazzjoni ppjanata tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG għandha tinkludi valutazzjoni tal-impatt sussegwenti tal-applikazzjoni tiegħu fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;

33.

jilqa’ l-missjoni estiża proposta tal-FEG u l-kamp ta’ applikazzjoni usa’ tiegħu, li se jindirizza kwalunkwe tip ta’ ristrutturar kbir mhux mistenni, iżda jistieden lill-PE u lill-Kunsill biex jaqblu dwar livelli limiti minimi għall-ispostamenti tal-impjiegi u perjodi ta’ referenza itwal minn dawk inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni;

34.

jilqa’ d-“Dokument dwar il-kondizzjonijiet rigward l-Istrument Baġitarju għall-Konverġenza u l-Kompetittività” tal-Grupp tal-Euro (14 ta’ Ġunju 2019), kif ukoll l-intenzjoni tal-President elett tal-Kummissjoni li tistabbilixxi dan l-istrument għaż-żona tal-euro, sabiex “jiġu appoġġjati r-riformi tat-tkabbir u l-investiment tal-Istati Membri” fiż-żona tal-euro u għall-pajjiżi tal-UE li jixtiequ jissieħbu fiż-żona tal-euro; madankollu jistenna, b’ħarsa lejn il-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, proposta minn qabel mill-Kummissjoni għal definizzjoni ta’ “riformi strutturali”, li tkun eliġibbli għal appoġġ finanzjarju mill-UE. Dawn ir-riformi għandhom ikunu ta’ valur miżjud Ewropew, rilevanti għall-kompetenzi tal-UE, u għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-objettiv ta’ koeżjoni tat-Trattati u l-għan tagħhom għandu jkun li jagħtu spinta lill-investiment fit-tul, inkluż it-titjib tal-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom aċċess dirett għal dan l-istrument biex jappoġġjaw il-proġetti ta’ investiment u ta’ riforma tagħhom u jkunu involuti bħala msieħba fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-interventi ta’ dan l-istrument;

35.

jilqa’ l-intenzjoni tal-President elett tal-Kummissjoni li tiffoka mill-ġdid fuq is-Semestru Ewropew bħala strument li jintegra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti; Filwaqt li tibni fuq id-Dokument ta’ Riflessjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tressaq, fl-ewwel 100 jum tal-mandat tagħha, strateġija fit-tul dwar it-tkabbir u l-impjieg li tinkludi l-SDGs, li fit-tfassil u l-implimentazzjoni tagħhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti bħala msieħba;

36.

itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-impenn li jintuża 25 % tal-baġit tal-UE biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima jidher li mhuwiex biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Għandhom isiru sforzi fil-qafas finanzjarju li jmiss biex is-sehem tan-nefqa allokat għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija, l-industrija u t-trasport u għall-ekonomija ċirkolari jiżdied għal aktar minn 30 %. Fl-istess ħin, il-marka tal-karbonju tal-baġit tal-UE għandha tittejjeb fost l-oħrajn billi tintemm l-għajnuna mill-Istat għall-karburanti fossili;

37.

jikkondividi l-enfasi tal-President elett tal-Kummissjoni fuq il-promozzjoni tat-tranżizzjoni tal-UE għan-newtralità klimatika sal-2050 permezz ta’ strateġiji industrijali adatti, kif ukoll l-appoġġ għall-persuni u r-reġjuni l-aktar affettwati mill-impatt soċjali, soċjoekonomiku u ambjentali tal-bidla strutturali fir-reġjuni tal-faħam Ewropej permezz ta’ Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta ġdid ta’ EUR 4,8 biljun. Jirrakkomanda li fond bħal dan għandu jinteraġġixxi mill-qrib mal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni iżda għandu jiġi ffinanzjat permezz ta’ riżorsi addizzjonali u mhux għad-detriment tal-politika ta’ koeżjoni u għandu jħalli biżżejjed spazju għall-manuvrar għar-reġjuni fir-rigward tar-regoli tal-politika tal-kompetizzjoni;

38.

jinnota li l-Parlament Ewropew qed jipproponi fil-proċedura tal-baġit tal-2020 żewġ azzjonijiet preparatorji b’rabta mar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni; f’dan l-isfond iqis li huwa urġenti li titħejja t-triq għal Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta bil-ħsieb li jkun żgurat l-aktar appoġġ effettiv, deċentralizzat, finanzjarju u ta’ politika wara l-2020;

39.

għall-programm Ewropa Kreattiva li jmiss, jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ tajjeb bejn l-allokazzjoni ta’ riżorsi għal proġetti maġġuri u fuq skala kbira u miżuri u attivitajiet ta’ finanzjament iffokati fil-livell lokali u reġjonali, inkluż mill-SMEs. Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-kultura u l-wirt kulturali jiġu inkorporati aħjar fil-prijoritajiet tal-QFP li jmiss kemm permezz tal-integrazzjoni u s-sinerġiji ma’ programmi u politiki oħrajn;

40.

jenfasizza li, fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, hemm EUR 14-il biljun disponibbli mill-fondi SIE għall-ħolqien tal-infrastruttura tal-broadband. Dan ma jeskludix żieda fl-istrumenti finanzjarji (bħal self finanzjarju) f’kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment u banek oħrajn tal-iżvilupp;

41.

iqis il-proposta tal-Kummissjoni ta’ EUR 9,2 biljun għall-Programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021–2027 bħala xenarju bażi assolut, meta jitqies li l-koeżjoni diġitali hija parti integrali tal-koeżjoni territorjali definita fit-Trattat tal-UE u teħtieġ li jingħalqu l-lakuni fil-ħiliet diġitali u l-infrastrutturi diġitali fl-UE u li jiġu indikati r-riżorsi finanzjarji sostanzjali li għandhom jiġu pprovduti għall-iżvilupp tal-Intelliġenza Artifiċjali;

42.

b’rabta mal-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri, jappella li jiġi promoss netwerk ta’ Korrispondenti Ewropej mill-istituzzjonijiet Ewropej f’kooperazzjoni mal-Istati Membri biex jinforma lill-politiċi lokali dwar kwistjonijiet Ewropej topiċi u jippermettilhom iwieġbu kemm jista’ jkun tajjeb għall-aspettattivi taċ-ċittadini; dan se jgħin biex jiġi miġġieled in-nuqqas ta’ involviment tal-persuni fi kwistjonijiet Ewropej;

43.

f’konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal regolament li jistabbilixxi l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, itenni t-talba tiegħu għal aċċess dirett għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-korpi rappreżentattivi tagħhom għall-finanzjament ipprovdut mill-fond suċċessur tal-AMIF attwali u jenfasizza għal darba oħra l-importanza tal-applikazzjoni konsistenti tal-prinċipju tas-sħubija. Jenfasizza l-urġenza li jiżdied il-pakkett ġenerali għal dan il-fond sabiex jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-kisba tal-għanijiet tiegħu u approċċ bilanċjat għall-azzjonijiet u l-politiki kollha b’rabta mal-migrazzjoni u mal-integrazzjoni;

44.

f’konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal regolament li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, jappella għall-inklużjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali — billi jingħataw post prominenti fuq l-istess livell mas-soċjetà ċivili — fi ħdan il-pilastru tematiku, b’baġit speċifiku allokat ta’ EUR 500 miljun;

45.

jagħti struzzjonijiet lill-President biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Presidenza Finlandiża tal-Kunsill u lill-President tal-Kunsill Ewropew.

Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


RIŻOLUZZJONIJIET

5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/7


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Is-Semestru Ewropew 2019 u fid-dawl tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2020

(2020/C 39/02)

Imressaq mill-gruppi politiċi tal-PPE, il-PSE, Renew Europe, l-AE u l-KRE

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 (SAT) (1) u s-Semestru Ewropew tal-2019;

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Ottubru 2018 dwar il-poltiki ekonomiċi taż-żona tal-euro u fid-dawl tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 (2) (SAT) u l-Opinjoni tiegħu tal-10 ta’ April 2019 dwar “Is-Semestru Ewropew u l-Politika ta’ Koeżjoni: l-allinjament tar-riformi strutturali mal-investimenti fit-tul”;

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2019 dwar “Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019” (3);

1.

jilqa’ l-enfasi li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 jagħmel fuq l-investiment u r-riformi li jrawmu tkabbir sostenibbli u inklużiv bħala mod biex itejbu l-kompetittività u l-koeżjoni fost l-Istati Membri u r-reġjuni u fi ħdanhom u biex jikkoordinaw il-politiki tal-investiment kollha tal-UE, inkluża l-politika ta’ koeżjoni;

2.

jisħaq li, biex jiġu żgurati s-sjieda u l-effettività tar-riformi strutturali tal-proċess tas-Semestru Ewropew, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu assoċjati miegħu b’mod formali, abbażi tal-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli (4) u skont il-proposta tal-KtR dwar “It-titjib tal-governanza tas-Semestru Ewropew: Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali” (5);

3.

jinnota li t-tkabbir qed inaqqas fir-ritmu tiegħu u li t-tensjonijiet kummerċjali u r-riskju ta’ Brexit ta’ ebda ftehim jiġġeneraw inċertezza li tiskoraġġixxi l-investiment. Jistieden, f’dan il-kuntest, lill-UE tikkunsidra li tantiċipa miżuri li jagħtu spinta lill-programmi tal-investiment tal-UE u li jappoġġjaw dawk l-oqsma li jistgħu jintlaqtu l-aktar minn Brexit ta’ ebda ftehim;

4.

jenfasizza li l-investiment pubbliku fil-livell tal-pajjiżi naqas b’mod sinifikanti u għadu baxx wisq, speċjalment fil-pajjiżi li l-aktar intlaqtu mill-kriżi; jinnota li, fi żminijiet ta’ restrizzjonijiet baġitarji severi, l-infiq attwali ma tnaqqasx tant daqskemm tnaqqas l-investiment; jenfasizza li l-gvernijiet sottonazzjonali, responsabbli għal aktar minn nofs l-investiment pubbliku fl-UE, kellhom inaqqsu l-investiment tagħhom b’mod sproporzjonat (6);

5.

jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, qabel il-proċess ta’ riforma tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) previst fl-2020, valutazzjoni tal-użu tal-klawżoli ta’ flessibbiltà tal-PST sa mill-2015. Iqis li r-riforma tal-PST għandha twassal għal regoli aktar ċari li jgħinu biex jiġu evitati politiki fiskali proċikliċi, tippermetti tnaqqis tad-dejn raġonevoli u sostenibbli għall-aktar ekonomiji vulnerabbli f’kuntest ta’ inflazzjoni baxxa, tneħħi l-kofinanzjament nazzjonali tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni mill-kontabilità għal-livelli limiti tal-PST u tintroduċi “regola tad-deheb” għall-kontabilità pubblika li tagħti lill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha l-ispazju fiskali meħtieġ biex jagħmlu l-investimenti fit-tul meħtieġa biex jiżguraw l-iżvilupp sostenibbli;

6.

jenfasizza li l-Istati Membri li għandhom marġni fiskali disponibbli għandhom iwettqu l-investiment pubbliku meħtieġ biex jagħtu spinta lit-tkabbir fit-tul, u b’hekk jitnaqqsu l-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE u fiż-żona tal-euro;

7.

jappoġġja bis-sħiħ l-impenn tal-President elett tal-Kummissjoni li tiffoka mill-ġdid fuq is-Semestru Ewropew bħala strument li jintegra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti;

8.

jilqa’ b’sodifazzjon, fil-prinċipju, l-intenzjoni tal-President elett tal-Kummissjoni li tressaq Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli, biex jingħata appoġġ ta’ EUR 1 triljun ta’ investiment matul l-għaxar snin li ġejjin f’kull rokna tal-UE, iżda jistenna aktar kjarifika dwar kif dan il-Pjan huwa relatat b’mod partikolari mal-Programm InvestEU u kif huwa mistenni li jaffettwa l-investiment fir-reġjuni u l-bliet tal-UE. Jappoġġja wkoll l-intenzjoni tal-President elett tal-Kummissjoni li tressaq strateġija għall-finanzjament ekoloġiku;

9.

jikkondividi l-enfasi tal-President elett tal-Kummissjoni fuq il-promozzjoni tat-tranżizzjoni tal-UE għan-newtralità klimatika sal-2050 permezz ta’ strateġiji industrijali adatti, kif ukoll biex jiġu appoġġjati l-persuni u r-reġjuni l-aktar affettwati permezz ta’ Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta ġdid. Jirrakkomanda li tali fond għandu b’mod partikolari jgħin biex jimmitiga l-impatt soċjali, soċjoekonomiku u ambjentali tal-bidla strutturali fir-reġjuni tal-faħam Ewropej;

10.

jenfasizza li l-ftehimiet kummerċjali nnegozjati u konklużi mill-Unjoni Ewropea għandhom jikkontribwixxu għat-tilħiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli;

11.

jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi għadha b’ritmu baxx u irregolari u jqis li dan huwa wkoll minħabba n-nuqqas ta’ sjieda u minħabba kapaċità amministrattiva u istituzzjonali insuffiċjenti; jenfasizza li, fl-2019, 137 mir-rakkomandazzjonijiet individwali inklużi fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (subrakkomandazzjonijiet) aktar ġenerali kienu jew indirizzati direttament/indirettament lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jew kellhom impatt territorjali, żieda mill-120 fl-2018, u bħalissa jirrappreżentaw 62 % tas-subrakkomandazzjonijiet kollha tal-2019 (7). 112 minn dawn is-subrakkomandazzjonijiet indirizzaw l-ostakli għall-investiment, żieda mid-79 fl-2018, bħala konsegwenza tal-enfasi aktar b’saħħitha tas-Semestru Ewropew fuq l-investiment din is-sena, filwaqt li 26 kienu dwar it-titjib tal-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u kienu indirizzati lil 17-il Stat Membru. Jenfasizza li dawn is-sejbiet jenfasizzaw ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jintlaħqu l-miri tas-Semestru Ewropew, li mhuwiex rikonoxxut biżżejjed fil-proċess ta’ governanza tas-Semestru;

12.

jenfasizza li 55 subrakkomandazzjoni inklużi fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi għall-2019 jindirizzaw ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Minħabba li d-differenzi soċjali spiss joriġinaw mid-disparitajiet reġjonali, dawn għandhom jiġu analizzati bir-reqqa fir-Rapporti tal-Pajjiżi u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Ifakkar li l-KtR, f’kooperazzjoni mal-Eurostat, ikkontribwixxa għal studju metodoloġiku dwar kif għandha titfassal Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali Reġjonali Ewropea li tista’ tintuża, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, biex timmonitorja l-progress tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u jistieden lill-Kummissjoni li jmiss biex tkompli tappoġġja dan il-proċess;

13.

jirrikonoxxi l-valutazzjoni pluriennali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi, li turi li aktar minn żewġ terzi tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi maħruġa sal-2018 ġew implimentati b’mill-inqas “ċertu progress” (8), iżda jinnota b’dispjaċir għal darb’oħra n-nuqqas persistenti ta’ trasparenza dwar il-kriterji li fuqhom hija bbażata tali valutazzjoni;

14.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-linji gwida għall-programmazzjoni 2021-2027 tal-Fondi SIE inklużi fir-Rapporti tal-Pajjiżi (Anness D); jinnota, madankollu, li l-analiżi sottostanti tad-disparitajiet reġjonali għad mhix biżżejjed, anke minħabba li ma kinux involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija tagħha, kif ħareġ minn stħarriġ li sar mill-KtR eżatt wara l-pubblikazzjoni tar-Rapporti tal-Pajjiżi;

15.

jenfasizza li s-Semestru Ewropew għandu jivvaluta l-istat ta’ implimentazzjoni tal-politiki tal-investiment fuq bażi annwali; jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, għandhom ikunu involuti f’din il-valutazzjoni sa mill-pubblikazzjoni tar-Rapporti tal-Pajjiżi, inkluż fid-djalogu bejn il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli u l-Istati Membri;

16.

jenfasizza li n-nuqqas ta’ involviment strutturat u kontinwu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali matul is-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, joħloq asimmetrija bejn is-Semestru, li huwa ċentralizzat u b’approċċ minn fuq għal isfel, u l-politika ta’ koeżjoni, li hija taħt ġestjoni kondiviża u deċentralizzata. Jipproponi li din il-kwistjoni tiġi indirizzata b’urġenza billi l-Kodiċi ta’ Kondotta dwar is-Sħubija attwali jiġi estiż b’mod li jkopri l-proċess tal-politiki tas-Semestru Ewropew;

17.

jinnota li l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma (NRP) huwa l-uniku dokument li permezz tiegħu kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jippreżenta kull sena lill-Kummissjoni Ewropea l-politiki speċifiċi li għandu l-ħsieb li jimplimenta biex jintlaħqu għanijiet komuni, finanzi pubbliċi sostenibbli u riformi strutturali, flimkien ma’ proposti biex jintlaħqu l-objettivi tat-tkabbir u l-impjiegi, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet magħmula fis-Semestru Ewropew u l-miri ta’ għaxar snin stabbiliti mill-istrateġija Ewropa 2020. Għalhekk, b’konformità sħiħa mal-prinċipju ta’ governanza f’diversi livelli, ir-reġjuni għandhom ikunu involuti fit-tfassil tal-NRP; fil-fatt, diversi Stati Membri diġà qed jagħmlu dan, bl-użu tal-NRP bħala mekkaniżmu għall-ippjanar integrat ta’ azzjoni fuq il-post, inkluż fid-dawl tal-karatteristiċi innovattivi tar-regolamenti tal-UE dwar il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 li huma maħsuba biex jallinjawh mas-Semestru Ewropew; ifakkar f’dan l-isfond li l-KtR ħejja Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali Reġjonali Ewropea (9), jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiżdied dimensjoni reġjonali mat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali fil-proċess tas-Semestru Ewropew u jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni rapida tagħha;

18.

itenni t-tħassib tiegħu li l-Kummissjoni Ewropea għadha ma pprovdietx definizzjoni għal “riformi strutturali” fil-kuntest tal-governanza ekonomika tal-UE u l-appoġġ possibbli permezz tal-programmi tal-UE bħall-Programm propost ta’ Appoġġ għal Riformi. B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-ambitu tar-riformi strutturali li jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-UE għandu jinkludi biss l-oqsma ta’ politika strateġiċi rilevanti għall-implimentazzjoni tal-għanijiet tat-Trattat u li huma relatati direttament mal-kompetenzi tal-UE;

19.

jistenna li s-Semestru Ewropew jipprevedi rispons wiesa’, ikkoordinat u integrat tal-UE għall-effetti fixkiela tat-tibdil demografiku, b’mod partikolari billi tissaħħaħ l-effettività tal-politika ta’ koeżjoni u billi jiġu promossi strateġiji reġjonali, speċjalment dawk immirati lejn l-iżvilupp ta’ żoni rurali intelliġenti u kompetittivi;

20.

jinnota li r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi jidentifikaw is-suq tal-abitazzjoni bħala wieħed kritiku għall-istabbiltà finanzjarja u li l-iskarsezza ta’ akkomodazzjoni adatta u affordabbli hija problema li qed tikber f’diversi Stati Membri. Din l-analiżi ssaħħaħ il-każ favur l-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ Aġenda Ewropea għall-Abitazzjoni li tħalli marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni għall-Istati Membri rigward il-qasam ta’ responsabbiltà tagħhom (10);

21.

jenfasizza li l-multilateraliżmu u l-ordni globali bbażat fuq ir-regoli huma fl-interess tal-UE u għandhom jiġu difiżi. Jilqa’ għalhekk l-inizjattivi maħsuba biex jiġġieldu favur kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u li jadottaw pożizzjoni iebsa kontra stati li jikkompetu permezz tad-dumping, id-deregolazzjoni jew is-sussidjar; iwissi, madankollu, li r-regoli tal-politika tal-kompetizzjoni interna tal-UE huma ferm aktar stretti milli huma fil-livell internazzjonali u għalhekk jirriskjaw li jpoġġu lill-kumpaniji Ewropej fi żvantaġġ fil-livell globali;

22.

iqis li n-negozjar ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles għandu jkun infurmat, fost l-oħrajn, minn valutazzjonijiet tal-impatt reġjonali, peress li dawn jiffaċilitaw l-identifikazzjoni bikrija u l-kwantifikazzjoni tal-impatti asimmetriċi possibbli fuq ir-reġjuni Ewropej, sabiex jippermettu reazzjonijiet rapidi ta’ ordni pubbliku;

23.

jappoġġja s-sejħa tal-Kunsill Ewropew (11) għal approċċ integrat rigward il-politiki fl-approfondiment u t-tisħiħ tas-Suq Uniku, fit-tfassil ta’ politika industrijali adattata għall-futur, fl-indirizzar tar-rivoluzzjoni diġitali u fl-iżgurar ta’ tassazzjoni ġusta u effettiva;

24.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport tal-grupp ta’ livell għoli tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-futur tal-industrija Ewropea (12), li jiddeskrivi viżjoni fit-tul għal strateġija industrijali Ewropea u li jenfasizza d-dimensjoni reġjonali ta’ din l-istrateġija;

25.

itenni t-talba tiegħu għal appoġġ tal-UE msaħħaħ għal kollaborazzjoni pan-Ewropea u interreġjonali li tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ sinerġiji u l-ilħuq ta’ massa kritika ta’ koinvestiment għall-innovazzjoni fil-ktajjen tal-valur industrijali fl-Ewropa kollha, kif ukoll fuq it-twettiq tal-potenzjal tal-ekonomija ċirkolari u newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju;

26.

jirrikonoxxi li l-kompetittività tal-ekonomija u tal-industrija Ewropea hija bbażata fuq il-potenzjal intraprenditorjali u innovattiv tal-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill iqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs meta jfasslu l-istrateġiji ekonomiċi fit-tul tal-UE, inklużi miżuri biex jeliminaw l-ostakli eżistenti għall-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi fis-Suq Uniku tal-UE, li qed ifixklu b’mod partikolari lit-tkabbir tal-SMEs Ewropej;

27.

jenfasizza li t-titjib tal-akkwist pubbliku lokali u reġjonali jkun iwassal għal kompetittività u gwadanji fl-effiċjenza konsiderevoli. Dan tikkorroborah il-ħidma analitika tal-KtR li turi li l-kumplessità tar-regoli attwali dwar l-akkwist pubbliku, u t-tendenzi ta’ regolamentazzjoni żejda f’ħafna Stati Membri, iżidu l-probabbiltà ta’ żbalji u r-riskju sussegwenti ta’ azzjoni legali, li min-naħa tagħhom iwasslu għal strateġiji ta’ akkwist kawti żżejjed dwar ir-riskju fost ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali;

28.

jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jibgħat din ir-Riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Presidenza Finlandiża tal-Kunsill u lill-President tal-Kunsill Ewropew.

Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Novembru 2018 intitolata “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019: Għal Ewropa aktar b’saħħitha quddiem l-inċertezza globali” (COM(2018)0770).

(2)  https://webapi2016.cor.europa.eu/v1/documents/cor-2018-03900-00-00-res-tra-mt.docx/content

(3)  http://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-8-2019-0201_MT.html

(4)  “Is-Semestru Ewropew u l-Politika ta’ Koeżjoni: l-allinjament tar-riformi strutturali mal-investimenti fit-tul”, adottata b’unanimità mill-Plenarja tal-KtR fl-10 ta’ April 2019 https://webapi2016.cor.europa.eu/v1/documents/cor-2018-05504-00-00-ac-tra-my.docx/content

(5)  https://webapi2016.cor.europa.eu/v1/documents/cor-2016-05386-00-00-ac-tra-my.docx/content

(6)  https://www.eib.org/attachments/efs/economic_investment_report_2018_key_findings_en.pdf

(7)  Il-KtR, Is-Semestru Ewropew 2019. Analiżi Territorjali tar-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Pajjiżi (mhux disponibbli bil-Malti).

(https://portal.cor.europa.eu/europe2020/Pages/welcome.aspx#)

(8)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-RSP tal-2019, p. 3.

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1560257977630&uri=CELEX%3A52019DC0500

(9)  https://cor.europa.eu/en/engage/studies/Documents/European%20Regional%20Social%20Scoreboard/European-Regional-Social-Scoreboard.pdf?_cldee=bWF0dGhpZXUuaG9ybnVuZ0Bjb3IuZXVyb3BhLmV1&recipientid=contact-09d0f0455cf2e4118a29005056a05119-28d790990cbf4dcc890968d369dec000&esid=8685471a-6dd4-e911-8116-005056a043ea

(10)  Il-punt 20 tar-Riżoluzzjoni dwar il-Proposti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għall-mandat leġislattiv il-ġdid tal-Unjoni Ewropea, 27 ta’ Ġunju 2019 https://webapi2016.cor.europa.eu/v1/documents/cor-2019-02550-00-01-res-tra-mt.docx/content

(11)  Kif iddikjara fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2019 https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9-2019-INIT/mt/pdf

(12)  Ippubblikat fis-26 ta’ Ġunju 2019 https://ec.europa.eu/growth/industry/policy/industry-2030_en#vision2030 (mhux disponibbli bil-Malti).


OPINJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/11


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Rakkomandazzjonijiet dwar it-tfassil b’suċċess ta’ strateġiji ta’ żvilupp reġjonali wara l-2020

(2020/C 39/03)

Relatur

:

Adam STURZIK (PL/PPE), President tar-Reġjun ta’ Mazovia

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar it-tfassil effiċjenti ta’ strateġiji ta’ żvilupp reġjonali għall-perjodu ta’ wara l-2020, billi jibbaża ruħu fuq l-analiżi taċ-ċirkustanzi strateġiċi speċifiċi tar-reġjuni, filwaqt li jqis l-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni u jkompli jibni fuq l-esperjenza miksuba s’issa mill-politika ta’ koeżjoni;

2.

jenfasizza li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jikkonċernaw biss oqsma prijoritarji ta’ investiment u l-kundizzjonijiet qafas għal strateġiji ta’ żvilupp reġjonali effettivi;

3.

jirrimarka li, fid-dawl tal-ħtiġijiet attwali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom strateġiji ta’ żvilupp fuq perjodu ta’ żmien medju u twil li jkunu definiti b’mod ċar, ibbażati kemm fuq ix-xejriet u l-isfidi previsti, kif ukoll fuq iċ-ċirkostanzi speċifiċi f’kull territorju;

4.

ifakkar li l-ottimizzazzjoni tal-funzjonament tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (reġjuni, distretti u muniċipalitajiet) u l-iżvilupp tagħhom, permezz ta’ użu bbilanċjat ta’ fatturi u riżorsi reġjonali għall-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi, huma l-aktar aspett importanti tal-ippjanar strateġiku territorjali;

5.

jirrimarka li l-istrateġiji ta’ żvilupp huma wieħed mill-aktar strumenti importanti għall-gvern lokali u reġjonali, peress li, f’allinjament mill-qrib mal-viżjoni tal-iżvilupp futur tal-Ewropa, jiddeskrivu d-direzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet li jiddefinixxu l-għanijiet u l-prijoritajiet;

6.

jirrimarka li l-istrateġiji ta’ żvilupp reġjonali u tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti huma strumenti importanti għall-kisba ta’ sinerġiji u komplementarjetajiet bejn id-diversi strumenti speċifiċi għas-settur, u li, f’konformità mal-approċċ meħud għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali ta’ kull qasam, ikun żgurat ukoll li l-partijiet interessati jiġu involuti b’mod xieraq;

7.

jinnota d-diskrepanza bejn is-Semestru Ewropew u l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni. Il-politika ta’ koeżjoni hija politika fiha nnifisha u l-objettiv tat-Trattat (koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali) għandu jinżamm dejjem. Dan jirrikjedi li tingħata attenzjoni lir-rilevanza bejn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-programmi ta’ koeżjoni u l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kemm fir-rigward tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma kif ukoll fir-rigward tal-programmi ta’ koeżjoni.

Rakkomandazzjoni 1: L-ippjanar reġjonali strateġiku bħala punt tat-tluq għal żvilupp ta’ suċċess

8.

jirrimarka li t-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni Ewropea, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-UE;

9.

jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni għandha torbot flimkien l-għanijiet strateġiċi tal-indirizzar tal-isfidi Ewropej u globali mal-istrateġiji ta’ żvilupp reġjonali u lokali fit-tul tal-Istati Membri u l-implimentazzjoni tagħhom fuq il-post;

10.

jenfasizza li ħafna sfidi li jiffaċċjaw il-bliet u r-reġjuni għandhom dimensjoni territorjali qawwija, peress li l-impatt tagħhom imur lil hinn miż-żoni u l-fruntieri amministrattivi. Il-Kumitat għalhekk jirrimarka li l-amministrazzjoni responsabbli għal qasam individwali ma tistax tiffaċċja l-isfidi għall-iżvilupp waħedha, iżda li kull amministrazzjoni għandha responsabbiltà awtonoma sħiħa biex tistabbilixxi d-direzzjoni u l-viżjoni tal-politika tal-iżvilupp għall-komunità tagħhom stess, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà minqux fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);

11.

jenfasizza l-importanza ta’ strateġiji territorjali għall-ġestjoni integrata u koordinata tal-investimenti, fejn ‘integrata’ tfisser li l-livelli kollha ta’ amministrazzjoni — minn dawk lokali sa dawk Ewropew – jaħdmu flimkien biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ kull qasam, u “koordinata” tfisser li sorsi differenti ta’ finanzjament jikkontribwixxu għall-istess għanijiet territorjali miftiehma b’mod komplementari;

12.

jenfasizza li huwa importanti ferm li d-deċiżjonijiet finanzjarji u strateġiċi jkunu bbażati fuq l-indikaturi tal-iżvilupp soċjoekonomiku attwali. Il-proposti għall-perspettiva finanzjarja 2021-2027 huma bbażati fuq id-data għall-perjodu 2014-2016, li jirriżultaw f’rappreżentazzjoni ħażina ferm tas-sitwazzjoni soċjoekonomika attwali fir-reġjuni. Għall-analiżi għandhom jintużaw biss l-indikaturi li ma jkunux ilhom aktar minn tliet snin qabel il-perjodu ta’ finanzjament, jiġifieri f’dan il-każ l-indikaturi għas-snin 2017-2019;

13.

jenfasizza li d-diviżjonijiet statistiċi attwali għandhom jitqiesu fit-tfassil tal-politika futura għall-iżvilupp u b’mod partikolari fir-rigward tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-UE għall-perspettivi finanzjarji għall-perjodu 2021-2027 u lil hinn; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, għalhekk, biex taħseb bir-reqqa dwar l-approċċ tagħha f’dan il-qasam meta tiddefinixxi l-QFP;

14.

jirrimarka li l-Eurostat jeħtieġ li jkun involut fit-tfassil mill-ġdid tal-approċċ u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Barra minn hekk, l-Eurostat għandu jintensifika l-isforzi tiegħu biex itejjeb is-sistema għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data biex jgħin jadatta għall-ħtiġijiet ġodda u jtejjeb il-kooperazzjoni, kif ukoll iżid l-effettività tal-proċess tal-ġbir tad-data;

15.

ifakkar li l-PDG ikejjel il-produzzjoni aktar milli jkejjel is-sostenibbiltà ambjentali, l-effiċjenza tar-riżorsi, l-inklużjoni soċjali u l-progress soċjali b’mod ġenerali; jiġbed l-attenzjoni, f’dan ir-rigward, għall-ħtieġa li jiġu inklużi indikaturi addizzjonali li jkejlu l-kwalità tal-ħajja b’mod aktar ġust u ċar u li jservu bħala komplement għall-PDG;

16.

jappella għall-iżvilupp ta’ indikaturi ċari u miżurabbli li jikkunsidraw it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-inklużjoni soċjali; Huwa jappella wkoll għall-iżvilupp ta’ indikaturi li jkunu jiffukaw aktar mill-qrib fuq is-sitwazzjoni tal-unitajiet domestiċi u jkunu jirriflettu d-dħul, il-livell ta’ konsum u l-ġid tagħhom.

Rakkomandazzjoni 2: Għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli bħala bażi għal strateġiji fit-tul tal-bliet u r-reġjuni

17.

jirrimarka li kemm l-istrateġija Ewropa 2020, kif ukoll il-Qafas Strateġiku Komuni jipprovdu qafas u linji gwida għat-tħejjija ta’ ftehimiet ta’ sħubija u programmi fir-rigward tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020, u b’mod partikolari biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) u strumenti oħrajn;

18.

jirrimarka l-ħtieġa li jiġu żviluppati oqfsa ta’ politika fit-tul fil-livell tal-UE li jissostitwixxu l-istrateġija Ewropa 2020 u jippermettu li jiġu żviluppati strateġiji nazzjonali u reġjonali jew lokali li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, filwaqt li jitqiesu l-benefiċċji li tinħoloq ukoll sħubija transfruntiera biex jiġu indirizzati sfidi komuni;

19.

jilqa’ d-dibattitu dwar id-dokument ta’ riflessjoni tal-UE “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030” u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew jirrikonoxxu l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-17-il għan tagħha bħala prijorità politika u l-għanijiet ġenerali tal-aġenda strateġika li jmiss tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2019-2024 u lil hinn;

20.

huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u l-politiki relatati għandhom jiġu definiti b’mod konformi mal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli li jinvolvi l-livelli kollha ta’ gvern u l-partijiet interessati, u li jippermetti l-identifikazzjoni ta’ miri divrenzjati fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;

21.

jirrimarka li s-17-il għan ta’ żvilupp sostenibbli ma jinkludux għan speċifiku reġjonali, li jinkorpora l-għanijiet stabbiliti fit-TFUE biex jiġi żgurat żvilupp reġjonali bbilanċjat fl-UE u biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni u jiġi żgurat li l-ebda żona ma titħalla taqa’ lura;

22.

jirrakkomanda li l-bliet u r-reġjuni jqisu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli bħala prinċipji ta’ gwida fit-tfassil tal-istrateġiji ta’ żvilupp reġjonali u lokali tagħhom, speċjalment minħabba l-fatt li l-Aġenda 2030 għal Ewropa Sostenibbli għadha mhijiex disponibbli. Minħabba f’hekk, huwa meħtieġ li l-bliet u r-reġjuni, bħala dawk fil-livell ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li huwa l-eqreb għaċ-ċittadini, in-negozji u l-komunitajiet lokali, jadattaw l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli għar-realtajiet fil-post.

Rakkomandazzjoni 3: Il-bliet u r-reġjuni għandhom jibbażaw l-istrateġiji ta’ żvilupp reġjonali tagħhom fuq valutazzjoni prospettiva bir-reqqa

23.

jenfasizza li għandhom jitqiesu x-xejriet futuri sabiex jiġu żviluppati strateġiji effettivi għall-iżvilupp reġjonali. Għalhekk, l-ippjanar fit-tul, it-tbassir u metodi oħrajn ta’ tbassir strateġiku huma għodod importanti għat-tfassil tal-politika reġjonali futura;

24.

jenfasizza li biex jirnexxu fil-livell tal-UE, l-istrateġiji tal-iżvilupp reġjonali wara l-2020 jeħtieġ li jintrabtu mal-aġenda territorjali l-ġdida;

25.

jirrimarka li l-isfidi ewlenin tal-iżvilupp tal-futur, li għandhom jiġu kkunsidrati fl-istrateġiji reġjonali, għandhom rabta ma’ xejriet kbar jew bidliet ambjentali u minħabba f’hekk se jkollhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomija u l-popolazzjoni fir-reġjuni kollha tal-UE;

26.

jenfasizza li l-bidla teknoloġika li tirriżulta mill-awtomatizzazzjoni u t-tagħlim awtomatiku jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq is-swieq tax-xogħol u għalhekk se tinfluwenza wkoll l-iżvilupp soċjoekonomiku. Barra minn hekk, ħafna mit-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għaż-żoni rurali billi jnaqqsu l-problemi li jirriżultaw mid-densità baxxa tal-popolazzjoni u d-distanzi twal;

27.

jirrimarka li biex jittieħed vantaġġ mit-teknoloġiji l-ġodda huwa essenzjali li tinħoloq infrastruttura teknika bażika. Ħafna mill-benefiċċji tat-teknoloġiji l-ġodda mhumiex ċari, iżda jeħtieġu miżuri politiċi komplementari, bħall-iżgurar li n-nies ikollhom il-ħiliet meħtieġa biex jużaw dawn it-teknoloġiji;

28.

jenfasizza li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jiġi implimentat bis-sħiħ. Għalkemm wieħed jista’ josserva l-progress soċjali fl-UE, il-prinċipji tal-Pilastru għandhom jiġu implimentati aħjar fil-livelli kollha ta’ governanza. F’dan il-kuntest, il-Fond Soċjali jaġixxi bħala pont bejn l-ambizzjonijiet tal-Pilastru Soċjali u l-ħtiġijiet reġjonali b’rabta ma’ miżuri u investimenti għall-iżvilupp tar-reġjun, pereżempju, il-provvista tal-ħiliet;

29.

jinnota żviluppi ġodda fis-suq tax-xogħol b’rabta mad-diġitalizzazzjoni, u għalhekk jappella għal mudelli ġodda ta’ negozju li ma jiksrux id-drittijiet tax-xogħol u għal forom ġodda ta’ impjieg li jiggarantixxu pagi diċenti, sigurtà soċjali u ħarsien mid-diskriminazzjoni;

30.

jirrimarka l-ħtieġa li l-ippjanar spazjali jsir aktar koerenti, filwaqt li jitqiesu l-fatturi ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Huwa jinnota wkoll li l-ippjanar spazjali huwa essenzjali biex jiġu limitati r-riskji li jirriżultaw miż-żieda fl-avvenimenti estremi tat-temp u d-diżastri naturali;

31.

jenfasizza r-rwol importanti ta’ infrastruttura ekoloġika u blu għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-waqfien tat-telf tal-bijodiversità. Il-KtR jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex iqisu l-bijodiversità fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fid-dokumenti strateġiċi;

32.

jiddispjaċih li l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) ġie eskluż mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni. Flimkien mad-dispożizzjonijiet diverġenti fir-regolamenti settorjali, dan se jfixkel il-koordinazzjoni ta’ miżuri b’rabta mal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-bijodiversità, kif ukoll strateġiji ġenerali bejn il-fondi u strutturi ta’ kooperazzjoni fil-livell reġjonali;

33.

jenfasizza l-ħtieġa li jitqies l-impatt ambjentali sa mill-istadji inizjali tal-ippjanar strateġiku tal-infrastruttura u li jiġu applikati kif xieraq strateġiji ta’ valutazzjoni ambjentali u valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali rilevanti, li se jnaqqsu wkoll l-għadd ta’ problemi involuti fl-awtorizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti;

34.

jirrimarka li l-identitajiet reġjonali u lokali għandhom jitqiesu fl-approċċ territorjali u li l-komunitajiet individwali għandhom responsabbiltajiet u kompetenzi diretti fir-rigward tat-tfassil tal-politika, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-karatteristiċi speċifiċi lokali, soċjali u kulturali tagħhom stess. Ta’ min jinnota li kull reġjun għandu l-karatteristiċi uniċi tiegħu, li huma fattur importanti fl-iżvilupp u l-indirizzar tal-kriżijiet;

35.

jikkritika l-fatt li l-istrateġija Ewropa 2020 dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-Unjoni Ewropea ma qisitx il-kultura. Il-KtR għalhekk jitlob li l-kultura — flimkien mal-istituzzjonijiet u l-postijiet tagħha — tiġi kkunsidrata qasam strateġiku fl-ippjanar strateġiku u politiku li jmiss. F’dan il-kuntest, jappella lir-reġjuni li jħarsu lejn il-wirt kulturali tagħhom bħala assi partikolarment b’saħħtu sabiex iqisuh fi strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti.

Rakkomandazzjoni 4: L-investiment fil-bini tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva bħala kundizzjoni għal infiq pubbliku effettiv

36.

jenfasizza li s-suċċess tat-tfassil ta’ politika integrata jiddependi, bil-bosta, mill-kwalità tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali u li l-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva hija fattur ewlieni fil-ġestjoni xierqa tal-programmi tal-FSIE, kif ukoll taqdi rwol importanti fit-tisħiħ tal-prosperità ekonomika globali;

37.

jenfasizza li, skont diversi studji, l-effikaċja tal-infiq pubbliku hija marbuta aktar mill-qrib ma’ governanza tajba u mal-prestazzjoni istituzzjonali, milli ma’ elementi fundamentali makroekonomiċi. Għalhekk, ir-redditu fuq l-investiment jikkorrelata direttament mal-livell ta’ investiment innifsu, iżda wkoll mal-kwalità tal-amministrazzjoni;

38.

jirrikonoxxi li t-tmexxija (u l-ġestjoni b’mod ġenerali) hija element ewlieni għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġiji ta’ żvilupp reġjonali u lokali; jinnota f’dan ir-rigward li l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-bliet u r-reġjuni jeħtieġu mexxejja li ma jibżgħux jistabbilixxu viżjonijiet għall-iżvilupp taż-żoni tagħhom u jippreżentawhom fi strateġiji ta’ żvilupp. L-attività tal-awtoritajiet reġjonali hija conditio sine qua non għall-iżvilupp tar-reġjun;

39.

jappella li jkun hemm appoġġ adegwat għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali taċ-ċittadini fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, huwa tal-fehma li l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali tal-ħaddiema tal-UE huwa essenzjali sabiex tiġi indirizzata t-trasformazzjoni tas-suq tax-xogħol u jiġu evitati n-nuqqasijiet ta’ ħiliet jew id-diskrepanzi fil-ħiliet.

Rakkomandazzjoni 5: Il-promozzjoni ta’ sinerġiji bejn il-fondi u atturi oħrajn

40.

jirrimarka li, bħall-politiki l-oħrajn kollha tal-UE, il-politika ta’ koeżjoni għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-għanijiet fundamentali stabbiliti fit-Trattati. Fl-istess ħin, il-politiki l-oħrajn tal-UE għandhom jikkontribwixxu wkoll biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni stabbiliti fit-Trattat;

41.

barra minn hekk, jinnota li, filwaqt li l-Fondi SIE individwali għadhom jissodisfaw kompiti speċifiċi stabbiliti fit-Trattat, dawn jistgħu jikkontribwixxu, fl-intier tagħhom, għall-kisba tal-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni, li kull wieħed minnhom jikkontribwixxi wkoll għat-twettiq tal-kompiti tal-fondi l-oħrajn;

42.

jenfasizza li sabiex jinħolqu sinerġiji u jissaħħu l-impatt u l-effiċjenza tal-istrumenti differenti, huwa essenzjali li jiġu adattati strateġiji u modi ta’ intervent, kif ukoll kooperazzjoni bejn l-atturi differenti, sa mill-aktar stadji bikrin tal-proċess ta’ programmazzjoni;

43.

jinnota l-importanza tat-trasparenza u l-użu strateġiku tal-akkwist pubbliku fil-livelli kollha ta’ gvern, b’mod partikolari fir-rigward ta’ prinċipji ċari u mhux ambigwi. F’dan il-każ, id-diskrepanzi bejn l-Istati Membri individwali, bejn il-livelli differenti ta’ gvern, jew bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jiġu evitati u l-piżijiet amministrattivi għandhom jiġu minimizzati;

44.

huwa tal-fehma li l-inizjattivi, l-istrateġiji, il-pjani ta’ azzjoni u s-sħubijiet pubbliċi-privati fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika (STEAM) implimentati fil-livell lokali u reġjonali jistgħu jagħtu kontribut importanti biex jitnaqqsu d-disparitajiet tal-iżvilupp madwar l-Ewropa; iqis, barra minn hekk, li l-indirizzar tal-edukazzjoni STEAM bħala prijorità għall-politiki lokali u reġjonali u l-prijoritizzazzjoni ta’ inizjattivi ta’ kooperazzjoni u investiment immirati lejn l-iżvilupp ta’ dawn is-suġġetti jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jittaffew l-effetti negattivi tal-eżodu ta’ mħuħ.

Rakkomandazzjoni 6: Kooperazzjoni territorjali f’żoni funzjonali

45.

jirrimarka li ħafna drabi l-fruntieri amministrattivi ma jikkorrispondux mar-rabtiet ekonomiċi li jeżistu fit-territorju kollu. Pereżempju, jista’ jkun hemm rabtiet importanti bejn il-bliet u ż-żoni tal-madwar tagħhom, bejn iż-żoni rurali u dawk urbani, u bejn reġjuni ġirien f’pajjiżi differenti;

46.

jenfasizza li l-impatti territorjali jmorru lil hinn mill-fruntieri lokali u amministrattivi fi kważi kull kwistjoni relatata mal-iżvilupp, u d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod konġunt fid-diversi livelli. Dawn id-deċiżjonijiet iridu jkunu preċeduti minn djalogu konġunt mill-bidu nett meta jkunu qed jiġu mfittxija tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet;

47.

jirrimarka li għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tar-reġjuni (ultra)periferiċi, dawk skarsament popolati jew li qegħdin mal-fruntieri u dawk ir-reġjuni li jiffaċċjaw sfidi speċifiċi — b’mod partikolari r-reġjuni muntanjużi u dawk insulari — u li, f’ċerti każijiet, l-iżvilupp tagħhom għadu lura, b’mod partikolari bil-għan li jittejbu l-konnettività u l-interkonnessjonijiet tagħhom;

48.

jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ strateġiji komuni għal żoni funzjonali u, sa fejn possibbli, l-adattament ta’ strateġiji u programmi rilevanti.

Rakkomandazzjoni 7: Proġetti konġunti bejn programmi FSIE nazzjonali jew reġjonali tal-pajjiżi ġirien

49.

jirrakkomanda li, fir-rigward ta’ żoni funzjonali transfruntiera, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jieħdu vantaġġ sħiħ mill-possibilitajiet offruti mir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni tal-Politika ta’ Koeżjoni (Artikolu 57(4) tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea) sabiex proġetti konġunti interreġjonali jew transfruntiera bejn programmi reġjonali tal-FSIE minn pajjiżi ġirien. L-iżvilupp ta’ dawn il-proġetti jirrikjedi wkoll koordinazzjoni mill-qrib bejn il-programmi Interreg rilevanti biex jiġi żgurat li dawn jikkomplementaw lil xulxin u jevitaw id-duplikazzjoni;

50.

itenni l-appoġġ tiegħu għall-mekkaniżmu Ewropew transkonfinali propost, li se jkollu impatt enormi fuq it-tneħħija tal-ostakli u tax-xkiel fil-kooperazzjoni transfruntiera;

51.

jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-UE tniedi strateġija ġenwina għad-diplomazija kulturali. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu promossi l-komunikazzjoni u l-iskambju artistiku u kulturali bejn ir-reġjuni tal-UE — b’mod partikolari mar-reġjuni ultraperiferiċi — u l-pajjiżi terzi, inkluż permezz ta’ miżuri li jagħmluha aktar faċli għall-artisti li jivvjaġġaw lejn pajjiżi terzi fejn jippreżentaw xogħolhom, u viċi versa.

Rakkomandazzjoni 8: Tisħiħ ta’ approċċ territorjali permezz ta’ użu sħiħ mill-potenzjal ta’ strumenti integrati (eż. l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) u l-investiment territorjali integrat (ITI))

52.

jenfasizza li t-tisħiħ tal-koeżjoni fil-livell reġjonali u lokali, anke lil hinn mill-fruntieri, jeħtieġ approċċ minn isfel għal fuq u bbażat fuq il-post biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet xierqa fil-post;

53.

jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ strateġiji territorjali fi ħdan il-programmi kollha; jenfasizza l-valur miżjud ta’ programmi b’diversi fondi u jħeġġeġ li jsir użu akbar tal-istrumenti territorjali fiż-żoni funzjonali;

54.

jenfasizza r-rwol tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) bħala strument ta’ livell sottoreġjonali speċifiku li jikkomplementa forom oħrajn ta’ appoġġ fil-livell lokali;

55.

huwa tal-fehma li s-CLLD joffri valur miżjud partikolari permezz tal-parteċipazzjoni, il-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni tal-komunità lokali u tal-atturi pubbliċi u privati kollha, filwaqt li jiżgura l-użu tal-għarfien espert lokali u l-konsiderazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull żona;

56.

jirrimarka r-rwol importanti li għandha l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, b’mod partikolari permezz tal-finanzjament Ewropew għar-riċerka, fit-tisħiħ tas-sistemi ta’ innovazzjoni reġjonali, l-iskambju tal-għarfien bejn ir-reġjuni u t-tisħiħ tas-sinerġiji.

Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


OPINJONIJIET

5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/16


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Komunikazzjoni aħjar għall-politika ta’ koeżjoni

(2020/C 39/04)

Relatur

:

Adrian Ovidiu Teban (RO/PPE), Sindku tal-belt ta’ Cugir

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.

jirrimarka li l-politika ta’ koeżjoni tirrappreżenta madwar terz tal-baġit tal-UE, jiġifieri EUR 351 biljun matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Dan jipprovdi qafas ta’ investiment fit-tul għar-reġjuni u l-Istati Membri u joffri ppjanar aktar affidabbli, meta mqabbel mal-baġits nazzjonali annwali jew biennali;

2.

jinnota li żieda fil-viżibbiltà tal-fondi SIE tista’ tikkontribwixxi għat-titjib tal-perċezzjonijiet dwar l-effettività tal-politika ta’ koeżjoni u għat-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew; madankollu, mezz ta’ komunikazzjoni koerenti huwa essenzjali, mhux biss minn fuq għal isfel fir-rigward tar-riżultati konkreti tal-fondi SIE, iżda anke minn isfel għal fuq sabiex l-awtoritajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati jsiru konxji dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament, bil-vantaġġ addizzjonali taż-żieda fil-parteċipazzjoni pubblika fi proċessi ta’ implimentazzjoni;

3.

fi prinċipju, il-komunikazzjoni għandha tkun parti integrali mit-tfassil tal-politika u l-implimentazzjoni. Is-sensibilizzazzjoni dwar proġetti lokali ffinanzjati mill-UE fost il-benefiċjarji u s-soċjetà ċivili hija kruċjali, minkejja ammonti ta’ finanzjament differenti f’reġjuni speċifiċi, u tista’ tkun biss ir-riżultat ta’ sforz komuni tal-livelli kollha tal-gvern involuti. Il-mudell ta’ governanza f’diversi livelli u l-prinċipju tas-sħubija, li t-tnejn huma bbażati fuq koordinazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u s-soċjetà ċivili, jistgħu jikkontribwixxu għal komunikazzjoni aktar effiċjenti tal-objettivi u r-riżultati tal-politika tal-UE;

4.

jenfasizza li l-awtoritajiet ta’ ġestjoni ta’ programmi operazzjonali ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) iridu jikkomunikaw l-għanijiet, l-opportunitajiet ta’ finanzjament u r-riżultati ta’ programmi u proġetti tal-politika ta’ koeżjoni; dan huwa għalhekk kompitu ewlieni għall-awtoritajiet ta’ ġestjoni u l-benefiċjarji fl-Istati Membri – biex jiġu indirizzati mistoqsijiet dwar liema opportunitajiet ta’ investiment jeżistu, jew kif benefiċjarju jista’ jindirizza kwistjonijiet ta’ pubbliċità, jew min qed jiġi ffinanzjat u għal liema għan;

5.

jinnota li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE u l-interventi mill-fondi tagħha huma akkumpanjati minn rekwiżiti ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità, li jfisser li l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali li għandhom il-kompitu li jimplimentaw, kif ukoll il-benefiċjarji finali, huma legalment mitluba jwettqu attivitajiet ta’ komunikazzjoni. Dawn ir-rekwiżiti żviluppaw matul l-aħħar tliet deċennji minn miżuri sempliċi ta’ informazzjoni bħal plakek kommemorattivi għal strateġiji ta’ komunikazzjoni aktar sofistikati inklużi strateġiji multiannwali, pjani annwali, rekwiżiti minimi u evalwazzjonijiet li għandhom jitwettqu għal kull programm operazzjonali;

6.

jenfasizza li l-infurmar tal-benefiċjarji potenzjali dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament huwa parti kruċjali mill-ġestjoni tal-proġramm. Sabiex jiġi żgurat li l-politika ta’ koeżjoni tinvesti fil-proġetti l-aktar rilevanti u innovattivi, jeħtieġ li tkun infurmata l-akbar udjenza possibbli ta’ benefiċjarji potenzjali; dan jista’ jinkiseb mhux biss billi jiġu enfasizzati l-opportunitajiet ta’ investiment, iżda anke billi jintwerew ir-riżultati miksuba u l-aħjar prattiki;

7.

jirrimarka li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE uriet li għandha impatt pożittiv kemm fuq l-ekonomija kif ukoll fuq il-ħajjiet taċ-ċittadini, iżda jinnota b’dispjaċir li r-riżultati mhux dejjem ġew ikkomunikati sew u li s-sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-effetti pożittivi tagħha tibqa’ baxxa b’mod konsistenti matul dan l-aħħar deċennju; billi, skont stħarriġ Ewrobarometru Flash fl-2017, 35 % biss taċ-ċittadini tal-UE kienu semgħu dwar proġetti kofinanzjati tal-UE fiż-żona fejn jgħixu. Madankollu, persuni li semgħu dwar dawn il-proġetti jistqarru li l-impatt fuq l-iżvilupp tar-reġjuni tagħhom kien pożittiv (78 %);

8.

josserva li, skont l-istess Ewrobarometru, il-politiki ta’ koeżjoni Ewropej għadhom qed jiġu kkomunikati pjuttost ħażin u s-sorsi tal-informazzjoni għandhom it-tendenza li ma jkunux diversi ħafna. B’mod ġenerali, għandha tingħata aktar importanza lill-komunikazzjoni diġitali matul il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss wara l-2020;

9.

jissottolinja l-progress mhux uniformi rreġistrat fl-Istati Membri kollha fis-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi f’termini ta’ mobilizzazzjoni u involviment aktar wiesgħa tal-imsieħba reġjonali u lokali, inklużi l-imsieħba ekonomiċi u soċjali kif ukoll ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni pubblika u d-djalogu soċjali. Ta’ min jinnota li l-akbar prijorità pperċepita hija li jsir investiment fir-reġjuni b’livell għoli ta’ qgħad. L-oqsma l-aktar importanti għall-investimenti tal-politika reġjonali tal-UE għandhom jiġu ffukati fuq l-edukazzjoni, is-saħħa jew l-infrastrutturi soċjali, li jitqiesu bħala l-aktar oqsma importanti għall-investiment. Barra minn hekk, il-“politika ta’ koeżjoni hija l-istrument ta’ investiment prinċipali tal-UE għar-reġuni u l-bliet biex jiġu implimentati l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli”; dan l-approċċ ikun prerekwiżit biex tiġi estiża l-“lokalizzazzjoni” tal-SDGs u tingħata spinta lill-implimentazzjoni tagħhom permezz tal-politika ta’ koeżjoni (1), u b’hekk titwitta t-triq minn ekonomija lineari għal dik ċirkolari (2);

10.

jirrimarka li kemm il-perċezzjoni tal-politika ta’ koeżjoni kif ukoll l-appoġġ għall-UE jistgħu jvarjaw bejn il-gruppi tal-popolazzjoni u bejn ir-reġjuni. Madankollu, hija meħtieġa aktar evidenza biex jintlaħqu konklużjonijiet ċari f’dan ir-rigward. Għal dan il-għan, se tkun meħtieġa informazzjoni dwar kampjuni rappreżentattivi ta’ individwi għar-reġjuni kollha tal-UE. Għalhekk, meta kwalunkwe Ewrobarometru jiġi ppjanat li jkun rappreżentattiv fir-reġjuni kollha tal-UE (NUTS 2 jew ekwivalenti), jipproponi li jkun jinkludi mistoqsijiet li jirrappurtaw dwar il-perċezzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-appoġġ taċ-ċittadini għall-proġett Ewropew;

11.

jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb l-għarfien dwar l-impatt tal-perċezzjoni taċ-ċittadini dwar il-politika ta’ koeżjoni tal-UE fuq l-appoġġ tagħhom għall-proċess tal-bini Ewropew. Dan huwa kruċjali għall-valutazzjoni a priori tal-effettività tal-politiki ta’ komunikazzjoni speċifiċi li għandhom l-għan li jrawmu attitudnijiet pożittivi lejn il-politika ta’ koeżjoni u l-UE b’mod ġenerali. Għalhekk, jissuġġerixxi l-inklużjoni ta’ mistoqsijiet speċifiċi dwar l-appoġġ għall-UE u l-perċezzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE fi ħdan l-istess stħarriġiet standard tal-Ewrobarometru;

12.

jenfasizza li mhux biss fatturi ekonomiċi jistgħu jiġġeneraw is-sensibilizzazzjoni. Diversi aspetti ta’ analiżi identifikaw gruppi ta’ ċittadini li s-sensibilizzazzjoni tagħhom dwar il-politiki (ta’ koeżjoni) tal-UE jidher li hija marbuta direttament mal-identifikazzjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea bħala entità politika. Jidher ukoll li hemm relazzjoni pożittiva bejn il-livelli ta’ għarfien ta’ ċerti politiki tal-UE, inkluża l-politika ta’ koeżjoni, u l-livell ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej. Għall-kuntrarju, jidher li huwa veru wkoll li meta l-identifikazzjoni mal-Unjoni Ewropea u ma’ storja u kultura Ewropea komuni tkun għolja, il-pubbliku jkun aktar konxju mill-politiki (ta’ koeżjoni) Ewropej. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa importanti li tittejjeb u tiġi intensifikata l-komunikazzjoni dwar ir-riżultati tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE sabiex tissaħħaħ il-leġittimità politika tal-Unjoni Ewropea u s-sentiment ta’ appartenenza għal proġett komuni fost iċ-ċittadini tagħha;

13.

jenfasizza wkoll li l-komunikazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni mhijiex biss ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni Ewropea, iżda hija pjuttost ir-responsabbiltà tal-atturi kollha li jibbenefikaw mill-politika ta’ koeżjoni, inklużi l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali;

14.

huwa tal-fehma li l-politika ta’ koeżjoni jeħtieġ li tiġi kkomunikata b’mod differenti, inkluża l-ħtieġa li tkun immirata lejn udjenzi akbar u mhux biss lejn partijiet ikkonċernati. Il-komunikazzjoni mmirata għandha tkun iffokata fuq il-pubbliku ġenerali, u din il-komunikazzjoni jeħtieġ li tintlaqa’ min-nies: trid tirrakkonta stejjer dwar impatti fuq ċittadini lokali, u mhux biss ixxerred numri jew ċarts dwar swieq tal-impjiegi ’l bogħod jew kwistjonijiet tal-infrastruttura u popli remoti, għandha tiffoka fuq ir-rwol li għandha l-UE bħala livell ta’ gvern fil-ħajja tan-nies, mhux fuq li tinforma lill-pubbliku dwar il-varjetà ta’ fondi u proġetti differenti. B’mod kruċjali, l-importanza tal-fiduċja fil-messaġġier hija tal-anqas importanti daqs il-messaġġ. U l-fiduċja pubblika fl-awtoritajiet lokali u reġjonali hija ogħla milli fil-gvernijiet nazzjonali jew fl-UE. Politiċi reġjonali u lokali għandhom għalhekk rwol potenzjalment deċiżiv, u l-membri tal-KtR, b’mod partikolari, bħala “ambaxxaturi tal-Ewropa fir-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet” għandhom jagħtu eżempju;

15.

jenfasizza l-ħtieġa għal komunikazzjoni mmirata. It-ton tal-komunikazzjoni mmirata għandu jiffoka fuq il-“viċinat”; tirrikjedi emozzjoni, minħabba li d-data statistika ma ċċaqlaqx lin-nies. Approċċ ta’ governanza f’diversi livelli għandu jkun segwit fl-interessi ta’ komunikazzjoni aħjar. 55 % ta’ dawk li wieġbu fl-aħħar Ewrobarometru jaħsbu li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fil-livell sottonazzjonali, bi kważi terz (30 %) jagħżlu l-livell reġjonali u kwart (25 %) jiffavorixxu l-livell lokali, filwaqt li kważi wieħed minn kull ħamsa jaħsbu li dawn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fil-livell Ewropew;

16.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ involviment fi djalogu aktar permanenti maċ-ċittadini u li jiġu involuti aktar ta’ spiss fit-teħid tad-deċiżjonijiet, li jista’ jipprovdi obbligu ta’ rendikont u leġittimità għat-twassil tal-politika ta’ koeżjoni. F’dan is-sens, l-objettiv ġenerali 5 il-ġdid għall-perjodu 2021-2027 – “Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini” – għandu juża bl-aħjar mod l-esperjenzi eżistenti bi żvilupp lokali mmexxi mill-komunità u bbaġitjar parteċipatorju fil-livell lokali, kif ukoll metodi oħra mmirati biex iżidu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. L-involviment tal-membri tal-KtR, ta’ sindiki u rappreżentanti eletti lokalment oħrajn fil-kampanji ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika ta’ koeżjoni jista’ jkun mod kif tiżdied is-sensibilizzazzjoni pożittiva dwar il-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.

L-Isfida tal-viżibbiltà

17.

jinnota li ż-żieda fil-viżibbiltà tal-fondi SIE tista’ tikkontribwixxi għat-titjib tal-perċezzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u biex tiġi restawrata l-fiduċja pubblika fil-politiki Ewropej;

18.

jirrimarka, konsegwentement, li ż-żieda fl-Ewroxettixiżmu u l-partiti politiċi li jopponu aktar integrazzjoni tal-UE hija marbuta wkoll mal-perċezzjoni ta’ inugwaljanzi ekonomiċi, soċjali u territorjali. Il-politika ta’ koeżjoni hija għodda b’saħħitha għall-promozzjoni ta’ “reżiljenza territorjali” bħala parti mis-soluzzjoni f’termini ta’ reazzjonijiet ta’ politika, u azzjonijiet biex jiġi kkomunikat l-impatt pożittiv fuq ir-reġjuni u l-ħajjiet tan-nies saru vitali;

19.

jissuġġerixxi li l-progammi operazzjonali għandhom jiffukaw fuq il-ħtiġijiet tan-nies u fuq il-komunikazzjoni mhux biss “lin-nies” iżda b’mod aktar partikolari “man-nies”. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-Ftehimiet ta’ Sħubija li jipprevedu mekkaniżmi ta’ djalogu maċ-ċittadini fit-tfassil ta’ interventi kofinanzjati mill-politika ta’ koeżjoni tal-UE fl-istadji kollha tal-preparazzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi operazzjonali, inklużi rakkomandazzjonijiet li l-Istati Membri jinvolvu lill-awtoritajiet lokali fil-fażijiet kollha;

20.

jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ innovazzjonijiet demokratiċi bħall-ibbaġitjar parteċipatorju u d-deliberazzjoni (ġuriji, panels u stħarriġ pubbliku) sabiex il-persuni lokali jkunu jistgħu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom u għaldaqstant jibdlu b’mod drastiku l-mod kif iċ-ċittadini jinvolvu ruħhom fil-mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni;

21.

jirrimarka li l-viżibbiltà tal-investimenti tal-politika ta’ koeżjoni hija responsabbiltà kondiviża tal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti għandhom ikunu involuti fil-formulazzjoni ta’ strateġiji ta’ komunikazzjoni effettivi;

22.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tislet tagħlimiet minn komunikazzjoni li rnexxiet għal proġetti fuq skala żgħira u bejn il-persuni ffinanzjati mill-UE f’reġjuni tal-fruntiera. Jinnota l-livell għoli ta’ involviment ta’ persuni li jipparteċipaw f’tali proġetti u l-kontribut tagħhom għal komunikazzjoni effettiva tar-riżultati tal-proġetti;

23.

jilqa’ l-proposta mressqa fil-pakkett leġislattiv tal-politika ta’ koeżjoni l-ġdid biex jinħatru uffiċjali ta’ komunikazzjoni nazzjonali biex jimmaniġġjaw, b’mod integrat, il-viżibbiltà ta’ attivitajiet relatati mal-FEŻR reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni, kif ukoll il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri u l-Fond għas-Sigurtà Interna. Fl-istess sens, għandu jsir l-aħjar użu minn programmi futuri oħra tal-UE b’viżibbiltà lokali bħall-Orizzont Ewropa, l-InvestEU eċċ., kif ukoll iċ-Ċentri ta’ Informazzjoni Europe Direct;

24.

jemmen li l-użu ta’ pjattaformi bbażati fuq l-approċċ REFIT għall-applikazzjoni ta’ soluzzjonijiet sempliċi tal-ICT għall-komunikazzjoni maċ-ċittadini tal-UE se jiffaċilita tfassil ta’ politika aktar effettiva f’konformità mal-aspettattivi pubbliċi. L-awtoritajiet lokali għandhom esperjenza konsiderevoli f’dan il-qasam u diġà qed jużaw l-applikazzjonijiet biex isibu soluzzjonijiet immedjati għall-problemi lokali. Jeħtieġ li l-komunikazzjoni bidirezzjonali biss tiġi żviluppata aktar;

25.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea testendi l-isforzi li diġà twettqu mal-awtoritajiet maniġerjali għar-rappreżentanti politiċi mir-reġjuni u l-bliet biex jiġu ttestjati metodi ġodda ta’ komunikazzjoni. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll il-benefiċjarji, jikkostitwixxu l-aktar interlokaturi effettivi u dawk eqreb taċ-ċittadini;

26.

jirrakkomanda li l-komunikazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tiffoka mhux biss fuq ir-riżultati ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE, iżda primarjament fuq il-benefiċċji li dawn il-proġetti għandhom għall-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. F’dan is-sens, il-livell lokali u reġjonali jidher li huwa l-aktar adattat għal tali komunikazzjoni (kif l-UE għenet lill-muniċipalità, il-belt jew ir-reġjun tiegħi) u għandu jitħeġġeġ ir-rwol attiv taċ-Ċentri ta’ Informazzjoni Europe Direct;

27.

jappella, madankollu, biex f’konformità mal-objettiv tal-koeżjoni territorjali, l-inizjattivi nazzjonali ta’ komunikazzjoni żviluppati skont il-Politika Agrikola Komuni u l-Politika ta’ Koeżjoni għandhom ikunu kkoordinati u mmirati lejn oqsma partikolari (inkluż dak rurali) li għadhom lura fl-iżvilupp tagħhom u fejn is-sentiment ta’ abbandun żied l-Ewroxettiċiżmu f’dawn l-aħħar snin;

28.

jistieden, konsegwentement, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jinkludu pakkett finanzjarju speċifiku għal komunikazzjoni fil-qafas tal-għajnuna teknika u, fejn xieraq, iżidu l-għadd ta’ rekwiżiti vinkolanti ta’ pubbliċità u informazzjoni għal proġetti tal-politika ta’ koeżjoni fi ħdan ir-Regolament futur dwar Dispożizzjonijiet Komuni lil hinn mill-2020;

29.

jissuġġerixxi l-implimentazzjoni ta’ “ippjanar ta’ komunikazzjoni intelliġenti”, li jinvolvi l-iżvilupp ta’ strateġiji integrati ta’ komunikazzjoni, inklużi indikaturi tar-riżultati b’linji bażi, finanzjament allokat u spejjeż speċifikati;

30.

jappella għal użu aktar wiesa’ u aktar intensiv tal-midja diġitali, b’inqas lingwaġġ tekniku u azzjonijiet immirati aħjar, u jirrakkomanda l-monitoraġġ tan-numru ta’ persuni milħuqa minn attivitajiet tal-komunikazzjoni (eż. l-għadd ta’ kemm persuni żaru paġna web wara avveniment);

31.

jipproponi li “l-effettività ta’ proġetti fl-isfruttar tar-riżultati” għandha tkun kriterju tal-għażla għall-finanzjament ta’ proġetti tal-politika ta’ koeżjoni (bħall-programmi tal-UE Orizzont 2020 jew COSME). Madankollu, il-pubbliċità obbligatorja għandha tkun proporzjonata għad-daqs tal-proġetti, speċjalment fil-livell ta’ proġetti żgħar fejn tista’ tikkostitwixxi piż amministrativ kbir għall-benefiċjarji finali;

32.

huwa tal-fehma li l-kriterji tal-għażla tal-proġett fi programmi operazzjonali għandhom tal-anqas jiddeskrivu prinċipji ta’ komunikazzjoni, sabiex jiġu ffaċilitati l-evalwazzjonijiet u t-tqabbil fil-livell tal-UE;

33.

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea toħloq “obbligu ta’ rendikont ta’ evalwazzjoni għar-riżultati ta’ komunikazzjoni”, li jkun jinkludi pjani u azzjonijiet ta’ komunikazzjoni, metodi mtejba (stħarriġ, gruppi fokus, monitoraġġ tal-midja), gwida ta’ evalwazzjoni tal-UE, pjattaforma għat-tagħlim li tipprovdi repożitorju għal evalwazzjonijiet ta’ komunikazzjonijiet, u fl-aħħar nett, bażi ta’ data ta’ prattiki ta’ komunikazzjoni tajba;

34.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li twaqqaf portal uniku ta’ finanzjament fil-livell tal-UE li jkun fih is-sejħiet għall-proposti kollha u lista komuni ta’ operazzjonijiet, kif ukoll siti web nazzjonali individwali li jagħtu prova tal-aċċess għall-informazzjoni dwar il-programmi u l-fondi kollha tal-UE; il-portali tal-UE onlajn ibbażati fuq il-post tal-istituzzjonijiet differenti u d-DĠs differenti tal-Kummissjoni għandhom jinġabru flimkien taħt il-marka unika tal-“UE”;

Strateġija tal-Midja

35.

jissuġġerixxi li d-disinn ta’ strateġiji tal-midja (soċjali) għandu jinkludi referenzi għal kuntesti lokali, bħat-tisħiħ tat-tfassil pożittiv, il-bini ta’ narattivi aktar fit-tul marbuta ma’ stejjer individwali, u l-isfida attiva – aktar milli l-injorar – tat-tfassil negattiv;

36.

huwa tal-fehma li aspett ewlieni fiż-żieda fl-impatt ta’ komunikazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni huwa d-diversifikazzjoni ulterjuri ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni u l-għoti ta’ spinta lill-preżenza tal-attivitajiet kollha tal-UE fil-midja;

37.

f’dan ir-rigward, jirrimarka li, sabiex tiżdied il-preżenza tal-UE fir-reġjuni u l-bliet, l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni għandhom ikunu kompatibbli mal-viżibbiltà tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u programmi bħal Interreg, Urbact u ESPON;

38.

huwa favur iż-żieda fl-attivitajiet tal-midja soċjali sabiex tingħata spinta lill-appoġġ għall-politika ta’ koeżjoni, billi jiġi segwit l-eżempju tal-kampanja #Cohesionalliance, li laqqgħet flimkien atturi politiċi b’messaġġ politiku qawwi b’rabta ma’ politika tal-UE li ġġib benefiċċji għat-territorji kollha tagħha;

39.

jinnota li l-Gimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet hija l-avveniment politiku ewlieni dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, li jippermetti lir-rappreżentanti politiċi, il-prattikanti, ir-riċerkaturi u l-persuni jitgħallmu, jiskambjaw ideat, jinfluwenzaw lill-UE u jsemmgħu leħinhom rigward l-ideat partikolari tagħhom dwar politiki reġjonali u urbani;

40.

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tinkludi taqsima dwar dan is-suġġett fil-verżjoni l-ġdida tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej; dan ikun il-mod kif jiżdiedu r-rispett għas-sħubija u l-kunsiderazzjoni tagħha u l-prinċipji ta’ sħubija f’diversi livelli meta jitfasslu attivitajiet ta’ komunikazzjoni;

It-titjib tal-komunikazzjoni wara l-2020 dwar il-politika ta’ koeżjoni

41.

jipproponi li, fi ħdan il-politika ta’ koeżjoni futura ta’ wara l-2020, l-investiment fi proġetti ta’ komunikazzjoni għandu jiġi ffinanzjat minn kategorija tal-ispejjeż unika u definita sew, minħabba li tqabbil ta’ strateġiji ta’ komunikazzjoni juri li l-baġits għal dawn l-attivitajiet huma diffiċli biex jiġu aggregati u mqabbla, billi l-istrateġiji huma definiti f’livelli differenti b’fondi differenti, u anke li l-kategoriji u l-metodi tal-ispejjeż mhumiex dejjem definiti b’mod ċar;

42.

jitlob li tittejjeb id-definizzjoni ta’ indikaturi tal-prestazzjoni, billi attwalment hemm varjabbiltà konsiderevoli fl-indikaturi, li mhumiex adattati għall-attivitajiet ta’ komunikazzjoni;

43.

jirrakkomanda li meta jiġu mfassla strateġiji għall-perjodu 2021-2027 titqies evidenza mir-riċerka mwettqa fuq l-effikaċja tal-komunikazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni permezz ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE bħal “Cohesify” u “Percieve” u li ssir referenza għall-“ġeografija tal-iskuntentizza”, li ħarġet fil-kuntest ta’ dibattiti populisti dwar il-proġett Ewropew;

44.

jirrakkomanda l-ħtieġa għal immarkar flessibbli u strateġiji ta’ viżibbiltà: bandiera tal-UE għandha tkun tinsab kullimkien fil-materjali obbligatorji jew informali kollha;

45.

jilqa’ l-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni Ewropea (3) li tenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-isfida ta’ komunikazzjoni unika tal-Ewropa fi żminijiet ta’ frammentazzjoni u diżinformazzjoni u jissuġġerixxi li l-politika ta’ koeżjoni jkollha rwol kruċjali biex il-komunikazzjoni tal-UE ssir sforz konġunt fil-livelli kollha ta’ istituzzjonijiet tal-gvern u tal-UE;

46.

jappoġġja l-approċċ tas-simplifikazzjoni tal-komunikazzjoni għal proġetti ffinanzjati mill-UE: l-immarkar uniku (l-ebda referenza għall-fond SIE jew il-livell tal-programm); sit web nazzjonali uniku li jipprovdi aċċess għal informazzjoni dwar il-programmi u l-fondi kollha tal-UE; viżibbiltà speċjali għal operazzjonijiet ta’ importanza strateġika u operazzjonijiet ta’ aktar minn EUR 10 miljun; koordinaturi ta’ komunikazzjoni nazzjonali biex jiġu ssorveljati l-fondi kollha tal-UE u rwol importanti għal uffiċjali ta’ komunikazzjoni tal-programm; l-inklużjoni ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni (f’verżjoni aktar ħafifa) fil-kuntest tal-programm; il-permess lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni biex japplikaw korrezzjonijiet finanzjarji (sa 5 %) għall-benefiċjarji li ma jikkonformawx mar-regoli dwar il-komunikazzjoni; u l-permess tal-użu mill-ġdid ta’ materjali ta’ komunikazzjoni – l-awtoritajiet ta’ ġestjoni se jkunu meħtieġa jżommu d-dritt li jużaw mill-ġdid il-materjali ta’ komunikazzjoni prodotti u magħmula disponibbli għall-istituzzjonijiet tal-UE (fuq talba).

Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  https://cor.europa.eu/mt/events/Pages/ECON-sc-follow-up-UN-SDGs.aspx

(2)  Dokument ta’ riflessjoni lejn Ewropa sostenibbli sal-2030, il-Kummissjoni Ewropea COM(2019)22 tat-30 ta’ Jannar 2019, https://webgate.ec.testa.eu/docfinder/extern/aHR0cHM6Ly8=/ZXVyLWxleC5ldXJvcGEuZXU=/legal-content/MT/TXT/?qid=1563881472551&uri=CELEX:52019DC0022

(3)  Il-Kummissjoni Ewropea (2019): L-Ewropa f’Mejju 2019. Tħejjija għal Unjoni aktar magħquda, aktar b’saħħitha u aktar demokratika f’dinja dejjem aktar inċerta, Brussell, 30 ta’ April 2019.


5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/21


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-kontribut tal-KtR għall-Aġenda Territorjali mġedda, b’enfasi speċjali fuq l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità

(2020/C 39/05)

Relatur

:

Radim SRŠEŇ (CS/PPE), Kunsillier Reġjonali ta’ Olomouc

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jitlob adozzjoni ħafna ogħla tal-istrumenti territorjali (żvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD), investimenti territorjali integrati (ITI), eċċ.) fl-Istati Membri u allokazzjoni obbligatorja fil-fondi kollha sabiex jiġu ssodisfati l-għanijiet tal-Aġenda Territorjali imġedda u tal-koeżjoni;

2.

jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni u l-koeżjoni territorjali huma marbuta flimkien u li mhu se jkun hemm l-ebda politika ta’ koeżjoni ġenwina mingħajr ma tqis kif xieraq il-koeżjoni territorjali;

3.

ifakkar li l-KtR kien l-ewwel istituzzjoni tal-UE li ressaq proposta speċifika dwar kif għandu jitwettaq is-CLLD (1). Illum, kif ukoll fil-passat, il-KtR jemmen li żvilupp lokali integrat li jinvolvi ħafna fondi huwa definit aħjar bħala kunċett olistiku li jiffoka fuq l-isfidi u l-potenzjal fi ħdan ir-reġjuni ta’ kull tip, sew dawk urbani, rurali, u rurali-urbani (rurbani), sew dawk funzjonali;

4.

jitlob li l-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020 issaħħaħ id-dimensjoni territorjali f’firxa usa’ ta’ oqsma ta’ politika u tħeġġeġ b’mod attiv aktar viżjonijiet/strateġiji territorjali minn isfel għal fuq, li għandhom ikunu koerenti b’qafas usa’;

5.

jenfasizza li strumenti territorjali bħas-CLLD jew l-ITI huma miżuri li wrew biċ-ċar li jagħmlu lill-“Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini”. Il-kisbiet ta’ LEADER/CLLD urew li l-gruppi ta’ azzjoni lokali (GAL) jistgħu jiddefendu l-valuri Ewropej, jekk ikunu rikonoxxuti bħala xprunaturi lokali għall-bidla u l-iżvilupp fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali. Permezz tal-involviment attiv tal-partijiet interessati lokali u taċ-ċittadini kollha, huma kapaċi jwieġbu għall-ħtiġijiet Ewropej b’mezzi lokali u, b’riżultat ta’ dan, jagħti spinta lil-leġittimità tal-UE. Barra minn hekk, LEADER/CLLD hija wkoll għodda b’saħħitha biex jiġu implimentati l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-livell lokali. Għalhekk, il-KtR jappella għal ambizzjonijiet ikbar u l-iżvilupp tal-istrumenti territorjali fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew fil-perjodu ta’ wara l-2020;

6.

jisħaq li l-istrumenti territorjali integrati għandhom fl-interventi tagħhom isegwu l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni, kif definit fl-istrateġiji integrati tagħhom minn isfel għal fuq, mhux biss jidduplikaw il-miżuri u l-konċentrazzjoni tematika u territorjali tal-programmi operazzjonali li jiffinanzjaw dawn l-istrumenti;

7.

jappella sabiex l-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020 issaħħaħ kemm ir-rabtiet rurali-urbani, kif ukoll it-tipi differenti ta’ żoni b’mod ġenerali, peress li l-iżvilupp reġjonali u lokali huwa biss aspett wieħed u jeħtieġ approċċ olistiku u integrat;

8.

jisħaq li t-TA2020 tabilħaqq kisbet ir-riżultati, prinċipalment bis-saħħa tal-politika ta’ koeżjoni disponibbli permezz tal-mezzi u l-finanzjament tagħha, li introduċiet, fil-livelli kollha ta’ governanza, l-approċċ ibbażat fuq il-post u l-parteċipazzjonni tal-komunitajiet lokali fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji lokali sostenibbli. Madankollu, għad hemm lok għal titjib: b’mod partikolari, il-viżibbiltà tagħha fil-livell subnazzjonali (li għandha tiġi indirizzata permezz ta’ CLLD, ITI, ir-raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT), il-kooperazzjoni territorjali Ewropea, eċċ.) jeħtieġ li titjieb, l-influweza tal-approċċ territorjali fuq it-tfassil tal-politika tal-UE globali għandha tissaħħaħ, u l-Aġenda Territorjali bħala tali jeħtieġ li tiġi implimentata aħjar mill-politiki nazzjonali;

9.

jikkunsidra l-Aġenda Territorjali mġedda bħala opportunità biex tippreżenta narrattiva ġdida u pożittiva għall-futur tal-UE u l-iżvilupp bilanċjat tar-reġjuni kollha. Iċ-ċittadini u l-pubbliku ġenerali għandhom jingħataw dokument komprensiv u intelliġibbli, li jistabbilixxi viżjonijiet għall-futur tagħhom u jirrifletti l-ħtiġijiet ġenwini tagħhom u l-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati. Dawn għandhom jingħataw riassigurazzjoni li ħadd mhu se jitħalla lura u li kulħadd se jkollu opportunitajiet indaqs għal ħajja dinjituża, irrispettivament minn fejn joqgħod;

10.

jappella għal rabtiet aktar b’saħħithom bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-Aġenda Territorjali fl-istadji kollha tal-programmazzjoni, implimentazzjoni u monitoraġġ tal-programmi, u jindika l-ħtieġa sinifikanti li tingħeleb is-separazzjoni ġeografika u settorjali attwali tal-fondi tal-UE. L-Istati Membri għandhom, madankollu, jiżguraw li d-dimensjoni territorjali u l-ispeċifiċitajiet lokali jiġu kkunsidrati fi ħdan il-proċess tas-semestru Ewropew, b’konsultazzjoni xierqa tal-atturi lokali meta jiġu definiti l-prijoritajiet nazzjonali;

11.

jenfasizza l-kapaċità tas-CLLD biex jimmobilizza u jinvolvi l-komunitajiet lokali, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-imsieħba soċjali u ċivili, u s-settur privat. Billi juża approċċ parteċipatorju, dan qed iżomm l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali f’konformità ma’ – u jadattahom għal – tibdil fil-kundizzjonijiet lokali (koeżjoni soċjali, migrazzjoni, raggruppamenti reġjonali, ekonomija ekoloġika, tibdil fil-klima, soluzzjonijiet intelliġenti, teknoloġija, eċċ.);

12.

jenfasizza r-rwol tas-CLLD biex tingħata spinta lill-kredibbiltà tal-politika ta’ koeżjoni billi jintwera li fondi differenti tal-UE jistgħu fil-fatt jintużaw flimkien b’mod integrat u effettiv;

13.

jirrimarka li l-KtR għadu japprova l-idea li l-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020 m’għandhiex tkun dokument ġdid fjamant, peress li t-TA2020 attwali xorta għadha valida fl-aspetti ewlenin;

14.

iqis li l-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020 għandha tkun essenzjali biex tindirizza l-inugwaljanzi bejn il-postijiet u l-persuni li jgħixu fihom, permezz ta’ miżuri mfassla apposta, eż. permezz ta’ żvilupp territorjali integrat;

15.

jenfasizza l-importanza ta’ koordinazzjoni u netwerking aħjar fost l-awtoritajiet kollha u l-partijiet ikkonċernati li jimplimentaw u jiffinanzjaw l-Aġenda Territorjali fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali. Koordinazzjoni aħjar u prinċipju b’saħħtu ta’ sħubija huma essenzjali biex l-Aġenda Territorjali tagħmel impatt effettiv. Il-koordinazzjoni tal-Aġenda Territorjali fir-Repubblika Ċeka, l-Iżvezja, l-Awstrija u Stati Membri oħrajn hija eżempju ta’ prattika tajba f’dan il-qasam;

16.

jissottolinja l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati aktar l-istrateġiji ta’ żvilupp territorjali integrat sabiex jimmiraw investimenti fir-reġjun aktar mill-qrib b’segwitu tal-prijoritajiet tiegħu. It-tfassil tal-istrateġiji ta’ żvilupp territorjali integrat li jimplimentaw firxa wiesgħa ta’ programmi operattivi fl-Istati Membri għandu jiġi ffukat fuq il-ħtiġijiet taċ-ċittadini u għandu jiġi kkomunikat mhux biss liċ-ċittadini iżda b’mod partikolari “flimkien maċ-ċittadini”;

17.

jenfasizza n-neċessità li tintuża implimentazzjoni sempliċi u flessibbli tal-istrumenti territorjali integrati li jistgħu jitfasslu għat-territorju u li tuża metodoloġija li tippromovi approċċ minn isfel għal fuq, li b’mod partikolari jiffoka fuq is-sħubijiet u l-motivazzjoni, kif ukoll fuq ir-rwol tal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali territorjali. Soluzzjonijiet possibbli huma għażliet tal-ispejjeż issimplifikati, mudell ta’ implimentazzjoni sempliċi għall-istrumenti territorjali (programm operazzjonali nazzjonali wieħed u awtorità maniġerjali waħda), soluzzjonijiet ta’ “punt uniku ta’ servizz”, sett komuni ta’ regoli sempliċi definiti fil-livell tal-UE sabiex jipprevjenu r-regolamentazzjoni żejda (sett ta’ miżuri għas-CLLD, gwida ċara li tiddefinixxi l-istruttura ta’ strateġiji, proċessi ta’ approvazzjoni, użu ta’ fond ewlieni, evalwazzjoni, eċċ.), eċċ.;

18.

jinnota l-potenzjal tas-soluzzjonijiet tal-IT għas-simplifikazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-ġbir tad-data fil-livell nazzjonali u lokali. Is-sistemi tal-IT jridu jiġu żviluppati b’inklużjoni ġenwina tal-partijiet ikkonċernati kollha u jkunu mmirati biex jgħinu l-istrateġija globali għas-simplifikazzjoni tal-FSIE fil-livelli kollha,

19.

jappella għal tranżizzjoni bla xkiel tal-istrutturi ta’ implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali bejn il-perjodi ta’ programmazzjoni tal-UE sabiex jiġi eliminat ir-riskju ta’ telf ta’ għarfien, riżorsi umani u sħubijiet;

20.

jenfasizza r-rwol tal-istrumenti territorjali integrati bħala l-istrument idoneu biex jiġu lokalizzati, implimentati, segwiti u riveduti l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli;

21.

jifhem il-potenzjal eċċellenti tas-CLLD bħala għodda effettiva fi ħdan il-politiki ta’ adeżjoni, tal-viċinat u tal-iżvilupp tal-UE. Il-Programm Ewropew tal-Viċinat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (ENPARD) fil-Georgia jista’ jitqies bħala eżempju ta’ prattika tajba;

Aġenda Territorjali Ġdida

22.

jinnota li l-isfidi eżistenti għall-iżvilupp territorjali, kif approvat mit-TA2020, b’mod ġenerali għadhom l-istess, b’żewġ kummenti: 1) il-bidliet huma pjuttost marbuta mal-intensifikazzjoni tagħhom bi sfidi ġodda emerġenti li jeħtieġu solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE; u 2) il-movimenti migratorji tal-lum aktarx se jkunu kriżi żgħira meta mqabbla mal-effetti potenzjali tat-tibdil fil-klima;

23.

jissuġġerixxi li għandu jiġi introdott mekkaniżmu għall-aġġornament ta’ malajr tal-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020 biex jirrispondi malajr għall-isfidi ġodda u emerġenti li jistgħu jsawru l-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020, mingħajr bżonn għal riforma radikali tad-dokument kollu;

24.

jissuġġerixxi lill-presidenzi futuri jew lill-kuntrattur li jabbozza l-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020 biex jiġu involuti aktar partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili meta ssir ir-riċerka dwar il-prijoritjiet u l-kontenut tal-Aġenda Territorjali mġedda ta’ wara l-2020;

25.

itenni l-appell tal-KtR għal suċċessur għall-istrateġija Ewropa 2020;

26.

jiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjoni tad-dritt primarju – l-Artikolu 174(3) tat-TFUE – li tirrikjedi li tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali u reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti. Din il-prijorità għandha titqies b’mod aħjar kemm fl-Aġenda Territorjali wara l-2020 kif ukoll fil-Fondi SIE, bil-għan li jinkisbu kundizzjonijiet ta’ għajxien ekwivalenti fir-reġjuni kollha;

27.

jinnota li l-Aġenda Territorjali 2020 għandha tkompli tappoġġja r-rwol tal-bliet kapitali reġjonali biex jipprovdu opportunitajiet indaqs għall-iżvilupp taż-żoni funzjonali tagħhom u jaħdmu biex isolvu kwistjonijiet metropolitani madwar l-UE;

28.

jisħaq li l-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020 għandha tappoġġja r-rwol tal-bliet iż-żgħar u ta’ daqs medju biex jiksbu żvilupp ibbilanċjat u poliċentriku madwar l-UE;

29.

itenni l-appell tiegħu, f’dan ir-rigward, għall-ħolqien ta’ aġenda għaż-żoni rurali fejn iż-żoni rurali jitqiesu bħala żoni ekonomiċi u ħajjin u mhux biss bħala żoni agrikoli;

30.

jenfasizza li l-Aġenda Territorjali mhux biss għandha tappoġġja l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) li jipproteġi lill-bliet (SDG 11) iżda wkoll tirrakkomanda perspettiva usa’ ta’ żvilupp territorjali, inkluż l-iżvilupp rurali;

31.

jissuġġerixxi li. sabiex il-pubbliku ġenerali jiffamiljarizza ruħu mal-messaġġi ewlenin tal-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020, titfassal lista ta’ 10-12-il messaġġ ewlieni b’lingwa li tinftiehem u format definit sew u li dawn jiġu kkomunikati mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE;

32.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipprovdi mudelli u linji gwida sempliċi u tintroduċi l-aħjar prattiki dwar kif jiġu implimentati strumenti territorjali integrati permezz ta’ approċċ li jinvolvi ħafna fondi fl-Istati Membri;

33.

jemmen li l-Aġenda Territorjali tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv biex jitnaqqsu t-tendenzi ta’ urbanizzazzjoni u l-isfidi relatati fir-rigward ta’ bliet kbar fl-Istati Membri kollha;

34.

jenfasizza l-istejjer ta’ suċċess tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, fejn il-kooperazzjoni territorjali fir-reġjuni tal-fruntieri jew fil-livell transnazzjonali huma eżempju eċċellenti tal-valur miżjud tal-integrazzjoni Ewropea;

35.

jenfasizza l-ħtieġa biex jiġi ddefinit b’mod ċar ir-rwol ta’ segretarjat/back office tal-Aġenda Territorjali li jista’ jinħoloq. Anness għall-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020 għandu jiddefinixxi l-objettivi, l-indikaturi li jistgħu jitkejlu biex tiġi mmonitorjata l-kisba tal-objettivi, il-kompiti u l-baġit meħtieġ għal tali unità/korp;

36.

isemmi d-Dikjarazzjoni ta’ Bucharest adottata fl-14 ta’ Ġunju 2019 mill-Ministri responsabbli għall-kwistjonijiet urbani, li fiha ġiet rikonoxxuta l-ħtieġa li tiġi żviluppata relazzjoni funzjonali bejn il-Karta ta’ Leipzig il-ġdida, l-Aġenda Urbana għall-UE, u l-Aġenda Territorjali 2020+;

37.

jemmen li n-natura intergovernattiva u mhux leġislattiva tal-Aġenda Territorjali Ewropea hija ideali għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi attwali u futuri, peress li tgħin fl-iżvilupp ta’ approċċ pan-Ewropew għall-iżvilupp territorjali, potenzjalment appoġġjat minn għadd ta’ programmi bħal-LEADER, Interreg jew ESPON, li l-proposti attwali għall-perjodu 2021-2027 jippermettu b’mod preċiż il-parteċipazzjoni volontarja u l-kofinanzjament minn Stati mhux membri tal-UE; Irriżulta li dawk il-programmi huma strumenti ta’ suċċess għall-istabbilizzazzjoni u r-rikonċiljazzjoni (pereżempju l-LEADER jaqdi rwol fil-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jew fl-involviment tas-soċjetà ċivili u l-bini ta’ demokrazija lokali fit-Turkija);

CLLD

38.

iħeġġeġ il-possibbiltà li l-adozzjoni tas-CLLD li jinvolvi ħafna fondi fir-reġjuni kollha tal-UE tkun obbligatorja, billi jiġi żgurat li jintuża approċċ tas-CLLD għat-tipi kollha tat-territorji: rurali (inklużi ż-żoni remoti, iż-żoni muntanjużi u l-gżejjer), urbani u ż-żoni kostali. Ir-reġjuni kollha tal-UE għandu jkollhom l-għażla li jużaw il-fondi kollha possibbli biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom ifformulati fl-istrateġiji tagħhom ta’ żvilupp lokali;

39.

jappella għal allokazzjoni obbligatorja ta’ 8 % għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità mill-fondi kollha tal-Fondi SIE u l-FAEŻR biex jiġi sfruttat b’mod sħiħ il-potenzjal tal-għodda u s-sinerġiji tal-fondi differenti għall-iżvilupp lokali integrat;

40.

jenfasizza l-ħtieġa li nerġgħu lura għat-tisħiħ tal-metodoloġija ta’ LEADER/CLLD, speċjalment il-prinċipji ta’ approċċ minn isfel għal fuq, sħubija, animazzjoni u r-rwol tal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali integrat;

41.

jissuġġerixxi li l-ġestjoni tas-CLLD fi Stat Membru għandha tiġi adattata għat-territorji individwali u tirrispetta d-dinamika, l-istrutturi u l-approċċi lokali;

42.

ifaħħar il-ħidma mwettqa mill-KtR (2) u l-Parlament Ewropew (3) biex jiġi żgurat li s-CLLD li jinvolvi ħafna fondi jkompli jinkludi l-FAEŻR anke matul il-perjodu 2021–2027, u jħeġġeġ sabiex dawn id-dispożizzjonijiet rakkomandati miż-żewġ istituzzjonijiet jinżammu fil-ftehim finali mal-Kunsill, peress li l-vantaġġi tas-CLLD ma jistgħux jitwasslu bis-sħiħ dment li ma jkunx hemm il-possibbiltà li jiġu integrati l-interventi ffinanzjati mill-Fondi SIE u mill-FAEŻR;

43.

jappella għar-regolamentazzjoni tas-CLLD fil-livell tal-UE, abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt robusta u billi jiġi stabbilit sett unifikat ta’ regoli għall-Fondi SIE kollha sabiex jitnaqqas il-piż burokratiku enormi u r-regolamentazzjoni żejda li ssir mill-Istati Membri u, fl-istess ħin, jiġi evitat l-użu ħażin tas-setgħat mill-awtoritajiet maniġerjali jew l-aġenziji tal-pagamenti;

44.

itenni l-appell tal-KtR biex ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jinżamm applikabbli b’mod sħiħ għall-FAEŻR. Kompatibbiltà perfetta bejn il-fondi kollha hija essenzjali għall-finanzjament tal-istrumenti territorjali, b’mod partikolari s-CLLD/LEADER u l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali tagħhom;

45.

jappella għal djalogu u koordinazzjoni aħjar bejn l-atturi kollha ta’ CLLD (GAL, awtoritajiet maniġerjali, Direttorati-Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, aġenziji tal-pagamenti, netwerks LEADER bħal ELARD, u netwerks nazzjonali LEADER u rurali) biex tiġi evitata l-burokrazija li qiegħda tikber u dewmien estensiv fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni u fl-għoti ta’ fondi lill-applikanti tal-proġetti. Għalhekk il-KtR jipproponi li l-Kummissjoni toħloq unità ta’ appoġġ CLLD fil-livell tal-UE biex tappoġġja l-komunikazzjoni, il-bini ta’ kapaċità, in-netwerking u l-kooperazzjoni transnazzjonali tal-GAL kollha fil-fondi kollha;

46.

jissuġġerixxi li s-CLLD li jinvolvi ħafna fondi għandu jiġi appoġġjat aktar, pereżempju permezz ta’ rata ta’ konfinanzjament ogħla. Il-KtR jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-Artikolu 120(5) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni attwali dwar rati ta’ kofinanzjament ogħla għal operazzjonijiet appoġġjati permezz ta’ għodod ta’ żvilupp territorjali integrat tneħħa mill-proposta l-ġdida tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

47.

jappella għal użu akbar tal-għażliet tal-ispejjeż issimplifikati skont l-Artikoli 48-51 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni il-ġdid, li jnaqqas il-piż tal-awditu għall-awtoritajiet maniġerjali u l-benefiċjarji finali. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-użu tal-għażliet tal-ispejjeż issimplifikati għandu jiġi estiż għall-FAEŻR, għal darb’oħra sabiex jiġu armonizzati l-proċeduri f’każ ta’ operazzjonijiet li jinvolvu ħafna fondi;

48.

jinnota li s-CLLD għandu jkun punt tal-bidu eċċellenti għal metodu użat ħafna ta’ kif il-proġetti lokali għandhom jiġu implimentati: il-GAL m’għandhomx jiddependu bis-sħiħ fuq il-finanzjament mill-UE iżda għandhom jintużaw ukoll bħala għodda biex jiġu implimentati l-fondi nazzjonali, reġjonali u lokali hekk kif l-iżvilupp lokali jmur lil hinn mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej;

49.

jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex imorru lura għall-proposta tal-Kummissjoni ta’ 12-il xahar mid-data tal-approvazzjoni tal-aħħar programm ikkonċernat sabiex l-awtoritajiet maniġerjali jtemmu l-ewwel sensiela ta’ għażla ta’ strateġiji u biex jiġi żgurat li l-GAL magħżula jistgħu jissodisfaw il-kompiti tagħhom;

50.

jitlob kjarifika dwar ir-rwol tal-GAL fl-għażla tal-proġetti, sabiex tiġi evitata duplikazzjoni tal-kompiti tagħhom mill-awtoritajiet maniġerjali. Ir-rwol tal-GAL fl-għażla tal-proġetti għandu jkun dominanti, mhux biss formali, peress li dan huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi ta’ LEADER/CLLD;

51.

jitlob evalwazzjoni ċara u sempliċi u monitoraġġ tal-mudelli ta’ strateġiji ta’ żvilupp lokali tas-CLLD. L-evalwazzjoni għandha tkun parti mill-proċess ta’ tagħlim tal-komunità u għalhekk hija importanti ħafna biex tinġabar b’mod kontinwu informazzjoni u tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-GAL. Għandhom jiġu introdotti soluzzjonijiet avvanzati tal-IT għall-ġbir u l-analiżi tad-data, ikkombinati ma’ proċessi parteċipattivi u analiżi kwalitattiva;

52.

jenfasizza li s-sjieda tar-riżultati hija probabbli ħafna li tikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-istabbiltà ta’ strateġiji ta’ żvilupp fuq perjodu itwal u effetti fit-tul, żviluppati mill-istess persuni li jimplimentawhom u jibbenefikaw mill-eżiti tagħhom;

53.

jinnota li eżempji ta’ suċċess ta’ sħubijiet lokali eżistenti ffinanzjati mill-FAEŻR u/jew l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) għandhom ikunu bażi għal finanzjament ulterjuri għas-CLLD mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE). In-netwerking u l-kollaborazzjoni permezz ta’ netwerks eżistenti jew il-ħolqien ta’ netwerks ġodda f’livell reġjonali, nazzjonali u transnazzjonali/interreġjonali għandhom rwol kruċjali, kif għandhom l-ikkowċjar u l-mentoraġġ ukoll;

54.

jenfasizza l-ħtieġa għal komunikazzjoni aħjar tas-CLLD u l-opportunitajiet li ġġib din l-għodda: tabilħaqq, għalkemm l-iżvilupp rurali kien ilu juża dan l-istrument għal żmien itwal, b’mod partikolari, l-iżvilupp urban jeħtieġ spinta aktar qawwija fir-rigward ta’ meta jużah. Jeħtieġ li jiġu abbozzati evalwazzjoni u analiżi ddettaljati ta’ x’approċċ kellu Stat Membru partikolari, inklużi rakkomandazzjonijiet għal implimentazzjoni effettiva;

55.

jinnota li s-CLLD/LEADER bħala strument jintuża minn 3 000 korp simili (GAL u FLAGs) madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Dan il-fatt għandu jiġi kkunsidrat sabiex jittejbu aktar il-kooperazzjoni territorjali u titħaddan id-diversità Ewropea permezz ta’ kooperazzjoni transnazzjonali minn isfel għal fuq fost iċ-ċittadini. Sabiex tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni territorjali permezz tas-CLLD, huwa meħtieġ li jinħolqu kundizzjonijiet li jippermettu lill-GAL jikkonċentraw ir-rwol tagħhom li janimaw iż-żona u jgħinu biex jinħarġu l-aħjar ideat u sussegwentement jiġu implimentati. Għandu jiġi assigurat sehem xieraq ta’ baġits għall-ispejjeż ta’ tħaddim u animazzjoni, kif ukoll għal kooperazzjoni transnazzjonali. Fl-istess ħin, il-KtR jirrakkomanda ħafna li jiġi stabbilit sett komuni ta’ prinċipji u regoli għal proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali tas-CLLD fil-livell Ewropew sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u bla xkiel tiegħu;

56.

ifakkar ir-relazzjoni tas-CLLD ma’ għodod ta’ żvilupp integrat oħra: bħala strument fakultattiv, flimkien ma’ investimenti territorjali integrati, dan jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ żvilupp usa’ li tippermetti l-lokalizzazzjoni tal-politiki. F’dan ir-rigward, il-KtR jitlob sinerġiji aħjar bejn is-CLLD u l-ITI: is-CLLD jista’ jintuża fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 bħala strument komplementari fi strateġija urbana jew territorjali, sabiex ikun jista’ jkun parti minn approċċ ta’ ITI fejn l-approċċ parteċipattiv offrut mis-CLLD jista’ jgħinu jindirizza xi problemi lokali speċifiċi;

57.

iqis li s-CLLD huwa strument vitali biex jitwettqu l-proposti tal-KtR (4), sussegwentement approvati mill-Parlament Ewropew (5) fejn permezz ta’ programmi kofinanzjati mill-FEŻR, li jkopru żoni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, kif imsemmi fl-Artikolu 174 tat-TFUE, għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet speċifiċi ta’ dawk iż-żoni;

58.

jikkunsidra lill-GAL bħala msieħba ideali biex titwettaq il-funzjoni ta’ sensara ta’ innovazzjoni għall-approċċ tal-villaġġi intelliġenti u biex jiġi kkatalizzat l-potenzjal taż-żoni rurali, peress li dawn f’ħafna każijiet diġà jagħmlu hekk. Il-GAL huma strument qawwi ta’ żvilupp endoġenu taż-żoni tagħhom, għandhom rabtiet diretti mal-intrapriżi lokali, mal-muniċipalitajiet u mas-soċjetà ċivili, u, bħala riżultat, joħolqu kapaċità b’saħħitha fiż-żona, billi jinvolvu r-riżorsi lokali u reġjonali u l-ħiliet tal-persuni;

59.

japprova l-proposta tal-Parlament Ewropew li l-pjani ffinanzjati mill-FEŻR għal żoni li qed jiffaċċjaw tnaqqis demografiku strutturali jistgħu potenzjalment jiġu allokati 5 % tar-riżorsi tal-FEŻR allokati għall-iżvilupp territorjali integrat f’żoni mhux urbani bi żvantaġġi naturali, ġeografiċi jew demografiċi jew li jkollhom diffikultà biex jaċċessaw is-servizzi bażiċi, inkluż li mill-inqas 17,5 % ta’ dan l-ammont jiġi allokat lil żoni u komunitajiet rurali biex jiżviluppaw proġetti bħal irħula intelliġenti. Il-KtR jemmen li s-CLLD huwa, fil-biċċa l-kbira, l-approċċ ideali biex tinkiseb din il-proposta ambizzjuża;

60.

jifhem l-involviment u l-bini ta’ kapaċità tal-atturi lokali bħala wieħed mill-akbar assi tal-metodoloġija tas-CLLD. L-iżvilupp lokali integrat wera li huwa effettiv ħafna biex jinbnew rabtiet u sinerġiji bejn diversi partijiet ikkonċernati u kwistjonijiet fl-iżvilupp lokali. Il-GAL kienu strument ta’ suċċess kbir għall-ippjanar strateġiku, l-animazzjoni, in-netwerking u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet, eż. il-ħolqien ta’ pjani ta’ azzjoni lokali għall-edukazzjoni jew is-servizzi soċjali f’xi Stati Membri.

Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità”, Brussell, 29 ta’ Novembru 2012, relatur: Graham Garvie, CDR1684-2012, COTER-V-031 (ĠU C 17, 19.1.2013, p. 18).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni “Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni”, relaturi: Michael Schneider u Catiusca Marini, Brussell, 5 ta’ Diċembru 2018, CdR 3593/2018 (ĠU C 86, 7.3.2019, p. 41).

(3)  Il-Parlament Ewropew, Dispożizzjonijiet komuni għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom (Rapport Krehl/Novakov), l-Erbgħa, 27 ta’ Marzu 2019 – Strasburgu. P8_TA-PROV(2019)0310 (għadhom mhux ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni”, relatur: Michiel Rijsberman, CdR 3594/2018 (ĠU C 86, 7.3.2019, p. 115).

(5)  Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2019 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (COM(2018) 0372 – C8-0227/2018 – 2018/0197(COD)) (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/27


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030: Segwitu tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima”

(2020/C 39/06)

Relatur

:

Is-Sinjura Hertell (FI/PPE), Kunsillier tal-Belt ta’ Espoo

Dokument ta’ referenza

:

Dokument ta’ Riflessjoni “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030” (COM(2019) 22 final)

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030 — “M’hemmx Pjaneta B”

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jenfasizza l-konklużjonijiet tal-Kunsill (1) dwar l-importanza tal-iżvilupp sostenibbli u l-interess qawwi tiegħu li jkompli jaqdi rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, bħala prijorità ewlenija, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE u l-benesseri tagħhom, u bħala element essenzjali għall-bini mill-ġdid u t-tisħiħ tal-kredibbiltà tal-UE fi ħdan l-Ewropa u globalment;

2.

jilqa’ b’sodisfazzjon id-dinamiżmu mġedded tad-dibattitu dwar politika ambizzjuża tal-UE fil-qasam tal-klima u l-proposta tal-“Patt Ekoloġiku Ewropew”, b’miri miżjuda tal-UE għall-2030, imħabbar mill-President eletta tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida biex tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala msieħba reali għas-sostenibbiltà u l-azzjoni klimatika meta tiżviluppa l-Patt Ekoloġiku bil-miri tal-2050 dwar in-newtralità klimatika;

3.

jenfasizza l-importanza li tiġi definita strateġija Ewropea ġdida “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030”, bħala bażi għal Futur Ewropew fuq terminu twil. Għalkemm l-Ewropa hija minn ta’ quddiem fis-sostenibbiltà, hija qed tiffaċċja sfidi globali kumplessi li l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tindirizza. Il-KtR huwa konvint li l-kisba ta’ Unjoni Ewropea sostenibbli, inkluż l-għan li tintlaħaq newtralità klimatika sal-2050, tirrikjedi bidliet fundamentali li għandhom ikunu bbażati fuq sforzi konġunti mil-livelli kollha ta’ gvern u mill-partijiet kollha tas-soċjetajiet tagħna;

4.

jenfasizza li l-pedamenti ewlenin ta’ politika għal futur sostenibbli u reżiljenti jinkludu tranżizzjoni deċiżiva għal ekonomija ċirkolari, inklużi ċikli ta’ materjali mhux tossiċi, impenn serju fil-konfront tan-newtralità u l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-wirt naturali, il-bijodiversità u l-ekosistemi tagħna, is-sostenibbiltà tas-sistemi agrikoli u alimentari, il-koerenza u l-konsistenza bejn il-politika agrikola u l-politiki ambjentali u klimatiċi, kif ukoll setturi tal-enerġija, tal-bini u tal-mobbiltà sikuri u sostenibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u huwa stmat din it-tranżizzjoni se toħloq aktar minn 200 miljun impjieg ġdid madwar id-dinja, b’valur ta’ aktar minn EUR 4 triljun sal-2030;

5.

jirrimarka l-importanza tal-persuni, it-teknoloġija ġdida, il-prodotti, is-servizzi, il-mudelli ta’ negozju ġodda, u l-appoġġ għan-negozji u l-finanzjament pubbliku u privat – u l-istrumenti “orizzontali” kollha ddefiniti mill-KE fl-implimentazzjoni ta’ Ewropa sostenibbli u reżiljenti sal-2030;

6.

ifakkar fl-importanza tar-rakkomandazzjonijiet tal-KtR dwar l-istrateġija fit-tul tal-UE għal Ewropa Sostenibbli sal-2030 (2) u s-suġġerimenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tisħiħ tal-istat tad-dritt, it-titjib tal-governanza tal-UE, koerenza politika aħjar għall-iżvilupp sostenibbli u r-rabta bejn l-approċċ ta’ regolamentazzjoni aħjar mas-sostenibbiltà;

7.

jikkjarifika li l-Aġenda 2030 tikkonsisti f’ħames pilastri: il-paċi, il-pjaneta, in-nies, il-prosperità u s-sħubija, iżda din l-Opinjoni se tiffoka fuq il-pilastru “il-pjaneta”, filwaqt li tistabbilixxi l-perspettiva strateġika li twitti t-triq lejn bliet u reġjuni Ewropej sostenibbli sal-2030;

Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030: It-Triq għall-Bliet u r-Reġjuni

8.

jilqa’ t-tranżizzjoni għal ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, newtrali għall-klima u bijodiversa, u jenfasizza l-urġenza li tittieħed azzjoni u l-ħtieġa li l-gvernijiet jiġu involuti fil-livelli kollha, l-atturi ekonomiċi, l-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka, is-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini;

9.

jistieden lil dawk kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet, fil-livelli kollha ta’ governanza, jirrikonoxxu r-rwol attiv u, f’ħafna każijiet, innovattiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kull waħda fil-kapaċità tagħha ta’ kompetenzi, fl-ilħuq tal-miri peress li dawn jinsabu fuq quddiem nett u huma responsabbli għal 65 % tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) fl-Ewropa;

10.

japprova l-evidenza eżistenti li l-miri u l-implimentazzjoni tal-SDGs ma jistgħux jinkisbu b’approċċ minn fuq għal isfel biss, li fuq kollox, l-attivitajiet minn isfel għal fuq huma meħtieġa b’mod kruċjali — ir-reġjuni, il-bliet u ċ-ċittadini kollha għandhom jiġu kkunsidrati bħala atturi attivi li jagħmlu l-bidla;

11.

ifakkar li l-implimentazzjoni tal-SDGs madwar l-Ewropa kollha teħtieġ approċċ komprensiv u sistemiku sabiex tiġi żgurata koerenza politika bejn id-dimensjonijiet differenti tal-SDGs; jenfasizza li l-SDGs huma kollha interrelatati u trasversali u li l-erba’ dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli, jiġifieri d-dimensjoni ekonomika, ekoloġika, soċjali u kulturali, huma kollha interkonnessi mill-qrib ma’ xulxin u se jkunu jirrikjedu bilanċjar bil-galbu;

12.

jenfasizza li sebgħa mis-17-il SDG (3) jistgħu jkunu relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u klimatika; jinnota f’dan il-kuntest li SDG Nru 11 dwar bliet u komunitajiet sostenibbli jindirizza direttament lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u jinkludi miri importanti li jeħtieġu azzjoni politika u governanza f’diversi livelli;

13.

jirrimarka li l-bliet jikkontribwixxu għal f’70 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra dinjija, fejn il-gvernijiet lokali huma responsabbli għal aktar minn 70 % tal-miżuri għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima u sa 90 % ta’ azzjonijiet ta’ adattament għall-klima;

14.

jirrimarka li r-reġjuni u l-bliet huma mexxejja klimatiċi; jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni f’diversi livelli u aktar deċentralizzazzjoni, u jistieden lill-UE tirrikonoxxi b’mod uffiċjali r-rwol attiv tal-awtorjitajiet lokali u reġjonali fl-abbozzar ta’ politiki u regolamenti dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adatament għalih; itenni, għalhekk, l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex jinkludu b’mod sħiħ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-abbozzar tal-Pjani Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u l-Klima (NECPs);

15.

jenfasizza li l-lokalizzazzjoni u “t-territorjalizzazzjoni” ta’ azzjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli fil-politiki dwar il-klima, l-enerġija u l-ambjent huma kruċjali għall-kisba tal-miri tal-Aġenda 2030. Għaldaqstant, jappella għal aktar tisħiħ tas-sħubijiet Ewropej (4), tan-netwerks tal-bliet u r-reġjuni (5), bħall-Under2Coalition, tal-kooperazzjoni transfruntiera (6) u tal-pjattaformi sabiex jiġu żviluppati strateġiji komuni, jiġu kkoordinati l-azzjonijiet, jiġu implimentati strateġiji aktar effiċjenti u jinġabru flimkien ir-riżorsi, speċjalment fl-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu, azzjonijiet ambjentali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità;

Ewropa Sostenibbli 2030: ekonomija ċirkolari, b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, newtrali għall-klima u bijodiversa

16.

jappella li l-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima tkun olistika, u bbażata fuq approċċ sistemiku; jinnota li s’issa l-politiki spiss kienu frammentati fost is-setturi differenti u bejn żoni urbani u rurali u f’kategoriji differenti bħas-settur tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS), is-settur li ma jaqax taħt l-ETS u l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art, u s-settur tal-forestrija (LULUCF); iħeġġeġ lir-reġjuni u l-bliet sabiex jixprunaw it-trażizzjoni gradwali għal mudell sistemiku ġdid u jmexxu ’l quddiem soluzzjonijiet komprensivi qabel l-2030;

17.

jappoġġja t-talba tal-Parlament Ewropew biex l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ politiki u finanzjament adatti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet b’mod effiċjenti; jenfasizza li l-infiq tal-UE mill-fondi rilevanti jista’ jipprovdi appoġġ addizzjonali fejn adatt (7);

18.

jappella li jkun hemm taħlita ta’ mekkaniżmi tas-suq xierqa, bidliet fit-tassazzjoni, inċentivi, rekwiżiti legali u impenji volontarji tas-setgħat pubbliċi fil-livell tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġi attirat investiment fit-tibdil fil-klima għas-settur li ma jaqax taħt l-ETS biex ikun hemm tnaqqis fl-emissjonijiet b’mod kosteffettiv; f’dan il-kuntest jistenna bil-ħerqa l-proposti mħabbra mill-President eletta tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, dwar Patt Ekoloġiku Ewropew u bank klimatiku Ewropew;

19.

jinsab konvint, madankollu, li minbarra l-ETS, miżuri effettivi biex jintemmu b’mod gradwali s-sussidji diretti u indiretti għall-fjuwils fossili (bħal pereżempju l-eżenzjonijiet mit-taxxa eżistenti għall-fjuwil tal-inġenji tal-ajru) huma meħtieġa sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-enerġiji rinnovabbli, titħeġġeġ il-bidla fl-imġiba u jiġu ġġenerati r-riżorsi meħtieġa biex jappoġġjaw tranżizzjoni ġusta; f’dan il-kuntest, jilqa’ b’sodisfazzjon id-dibattitu li nediet il-President eletta tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, b’rabta mal-ipprezzar tal-karbonju u t-tariffi transfruntiera tal-karbonju;

20.

jissuġġerixxi inċentivi qawwija bbażati fuq is-suq biex jiġi attirat l-iżvilupp ta’ bjar ta’ karbonju ġodda u sostituzzjonijiet sostenibbli ta’ materjali b’impronta tal-karbonju kbira għal oħrajn b’impronta iżgħar, kif ukoll sforzi addizzjonali biex jappoġġjaw ir-riċerka u l-iżvilupp u b’hekk jiġu żviluppati aktar teknoloġiji ġodda għat-tnaqqis tas-CO2 u metodi ta’ kejl;

21.

jitlob li l-miri tal-klima tal-UE jsiru aktar stretti skont l-objettiv ta’ 1,5 °C tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima f’livell li jista’ jiġi implimentat, u jipproponi li jiġi stabbilit baġit tal-karbonju għall-bqija tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u li l-miri tal-2030 u tal-2040 jiġu riveduti u allinjati mal-mira ta’ newtralità għall-2050; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-ġustizzja soċjali u l-kompetittività tal-Istati Membri;

22.

jistieden lill-KE biex, f’kooperazzjoni mal-KtR, tagħti bidu għal studju matul il-Presidenza Finlandiża tal-UE dwar kif tista’ tiġi ppjanata u implimentata soluzzjoni sistemika għall-perjodu wara l-2030;

23.

iħeġġeġ lir-reġjuni u lill-bliet jixprunaw it-tranżizzjoni gradwali għall-mudell sistemiku l-ġdid u soluzzjonijiet ġodda pilota qabel l-2030;

24.

jinnota li l-effettività u l-kosteffiċjenza tal-azzjonijiet klimatiċi għandhom ikunu l-prinċipji ta’ gwida fl-iżvilupp ta’ soluzzjoni aktar sistemika għall-UE, inkluż permezz ta’ miżuri bħall-estensjoni u t-tisħiħ tas-sistema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet filwaqt li fl-istess ħin jittejbu l-lonġevità u l-prevedibbiltà tagħha;

25.

jirrimarka li t-twettiq tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u tal-għanijiet klimatiċi se jeħtieġu żieda sostanzjali fl-investimenti għal soluzzjonijiet nodfa. Pereżempju, jekk it-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2050 kellu jkun aktar minn 90 %, l-investiment annwali nadif jeħtieġ li jiżdied bi tliet darbiet mil-livell attwali;

26.

jipproponi li tiġi estiża u msaħħa s-sistema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Madankollu, jinnota li l-bilanċ tal-effiċjenza bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji għandu jkun prinċipju ta’ gwida;

27.

jenfasizza l-importanza u l-influwenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej, kif ukoll ir-rwol b’saħħtu taċ-ċittadini fil-livell globali permezz ta’ inizjattivi bħalma huma l-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija u l-Pjattaforma tat-Tmexxija tal-Bliet tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU 25 + 5 fil-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-SDGs fil-livell lokali;

28.

jenfasizza li l-atturi lokali u ċ-ċittadini huma fl-aħjar pożizzjoni biex jissensibilizzaw l-opinjoni pubblika u jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima; jenfasizza wkoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu azzjoni sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgħixu f’konformità mal-SDGs, iżda wkoll li jappoġġjaw il-mobilizzazzjoni taċ-ċittadini biex jaħdmu favur il-miri;

29.

jimpenja ruħu li jwassal il-vuċi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’fora internazzjonali li jmiss, bħalma huma l-COP25 tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-COP15 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-diversità bijoloġika favur qafas tal-bijodiversità globali integrat mal-SDGs għal wara l-2020, ambizzjuż, marbut mal-ħin u mmexxi mix-xjenza; jistieden lill-Partijiet japplikaw governanza f’diversi livelli li formalment tinkludi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika, itenni t-talba tiegħu għal strateġiji komprensivi għal sensibilizzazzjoni koordinata u involviment fil-livelli kollha;

Fid-dettall: ekonomija ċirkolari, b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, newtrali għall-klima u bijodiversa, u tranżizzjoni soċjalment ġusta

30.

huwa favur l-iżvilupp internazzjonali ta’ qafas ambizzjuż, marbut biż-żmien u xprunat mix-xjenza għal wara l-2020 dwar l-ekonomija ċirkolari u l-bijodiversità, li jkun allinjat u integrat mal-SDGs;

31.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar dan l-aħħar fl-UE fir-rigward tat-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari, inkluż it-titjib fil-ġestjoni tal-iskart, iżda jinnota li l-oqfsa finanzjarji u regolatorji fil-livell Ewropew għad iridu jsiru aktar effettivi sabiex tinkiseb l-istrateġija tal-ekonomija ċirkolari; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, bħal parti mill-pjan ta’ azzjoni ġdid li ħabbret dwar l-ekonomija ċirkolari, biex tressaq proposti konkreti għall-elementi nieqsa ta’ tali qafas koerenti, filwaqt li tikkunsidra kif imiss ir-rwol ċentrali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u, b’mod partikolari, proposti dwar setturi li jagħmlu użu intensiv mir-riżorsi, bħas-settur tal-kostruzzjoni, kif ukoll il-bidliet fid-disinn tal-prodotti. Huwa tal-fehma li l-benefiċċji soċjali tat-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari għandhom jiġu enfasizzati b’mod aktar ċar;

32.

jilqa’ l-aġenda strateġika li jmiss tal-UE 2019-2024 (8) inkluż il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-treġġigħ lura tad-degradazzjoni ambjentali, it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari aktar effiċjenti fir-riżorsi billi jiġu promossi t-tkabbir ekoloġiku, il-bijoekonomija u l-innovazzjoni sostenibbli, jiġu indirizzati s-sigurtà tal-enerġija u l-ispejjeż tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għan-negozji;

33.

jitlob li jkun hemm approċċ olistiku bbażat fuq il-post fil-politika ambjentali permezz ta’ governanza f’diversi livelli, li ssaħħaħ ir-rwol tal-bliet u r-reġjuni, il-valutazzjoni tal-impatt u l-valutazzjoni ambjentali strateġika, ir-rappurtar ambjentali, l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali u l-infurzar tal-liġi ambjentali;

34.

jenfasizza r-rwol fundamentali tar-reġjuni u l-bliet fit-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari. “Ir-reġjuni ċirkolari” jeħtieġu approċċ integrat u olistiku, kif issostni l-Opinjoni tal-KtR dwar id-Direttiva dwar il-plastik li jintuza darba biss (9);

35.

jenfasizza l-urġenza li t-taħlita tal-enerġija nazzjonali fl-Istati Membri differenti tiġi adattata għar-rekwiżiti tal-istrateġija fit-tul ta’ dekarbonizzazzjoni; dan ifisser ukoll il-ħtieġa li jiżdied is-sehem ta’ enerġiji rinnovabbli f’livell akbar mill-mira miftiehma tal-UE li bħalissa hija ta’ 32 % sal-2030, speċjalment fl-enerġija ta’ karga bażika, sabiex jitnaqqsu b’mod drammatiku l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra;

36.

jistieden lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-settur pubbliku u dak industrijali biex iħaffu l-użu ta’ teknoloġiji strateġiċi ġodda tal-enerġija, il-Pjan SET tal-UE, fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima billi jżidu r-rwol tal-konsumaturi permezz ta’ għarfien aħjar u l-użu ta’ grilji intelliġenti tal-enerġija;

37.

jenfasizza li t-tranżizzjonijiet tal-klima jirrikjedu investiment u innovazzjoni ekoloġiċi sinifikanti kemm b’rabta mal-art kif ukoll mal-baħar, li jippromovu aktar sinerġiji bejn is-sorsi ta’ finanzjament u rabtiet aktar b’saħħithom bejn il-finanzjament pubbliku u privat għall-ambjent; jilqa’ wkoll f’dan ir-rigward l-Opinjoni tal-KtR li tindirizza l-kwistjonijiet speċifiċi għar-reġjuni li huma dipendenti ħafna mill-fjuwils fossili (10);

38.

jitlob li kwalunkwe evalwazzjoni jew kontroll tal-idoneità, evalwazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali eżistenti dwar l-ilma, il-ħamrija, l-istorbju u l-kwalità tal-arja tinkludi wkoll enfasi fuq il-ħtieġa kruċjali li tittejjeb il-koerenza tal-politiki bil-għan li jintlaħqu l-SDGs billi tiġi promossa l-ekonomija ċirkolari, jitrawmu l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli u jiġu indirizzati s-sustanzi niġġiesa emerġenti bħall-mikroplastiks, il-prodotti farmaċewtiċi u tal-kura personali, il-pestiċidi, il-prodotti sekondarji tad-diżinfezzjoni, u s-sustanzi kimiċi industrijali;

39.

jinsab imħasseb ħafna dwar l-emerġenza ekoloġika li llum qed tiffaċċja d-dinja, kif irrappurtat fil-Valutazzjoni Globali reċenti dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi; jenfasizza li t-telf tal-bijodiversità jipperikola l-possibbiltà ta’ ħafna pajjiżi li jilħqu l-SDGs u għalhekk iħeġġeġ lill-belt u lir-reġjuni jieħdu azzjoni immedjata u urġenti dwar l-inklużjoni tal-bijodiversità (11) f’oqsma ta’ politika settorjali differenti, inkluża l-agrikoltura kif ukoll l-iżvilupp urban u reġjonali, filwaqt li jiġio indikat b’mod ċar, anke fil-livell legalment vinkolanti, l-importanza ta’ miri marbutin mal-protezzjoni tal-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa soluzzjonijiet innovattivi bbażati fuq in-natura u infrastrutturi ekoloġiċi żviluppati u implimentati fil-livell sottonazzjonali biex jiġu indirizzati t-telf tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima;

40.

jafferma mill-ġdid is-sejħa biex jitwaqqaf osservatorju Ewropew dwar in-Newtralità tal-Klima (12)u jenfasizza r-rwol attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw osservatorji għat-tibdil fil-klima;

41.

jitlob li tiġi adottata r-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb biex jiġi żgurat l-aċċess għall-ilma għal kulħadd, li jfisser li għandu jinżamm l-istat ekoloġiku tajjeb tal-massa tal-ilma, jitnaqqas ir-riskju għas-saħħa għal inqas minn 1 %, jitnaqqas il-konsum tal-ilma fil-fliexken, jiġu ffrankati l-flus, jitnaqqas l-iskart tal-plastik u l-emissjonijiet tas-CO2 fil-proċess;

42.

jitlob li r-riformulazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jkollha l-istess livell ta’ ambizzjoni, u saħanasitra jiżdied, biex b’hekk jiġi żgurat li l-mases tal-ilma jkunu ppreservati u rkuprati u li l-istatus tal-ekosistemi tal-ilma fl-UE jkun adegwat;

43.

itenni t-talba tiegħu li tittejjeb l-effettività tal-ġestjoni tal-ilma fl-UE billi jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-UE dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma sabiex dan japplika mhux biss għall-irrigazzjoni agrikola, iżda wkoll għall-irrigazzjoni tal-ispazji ħodor f’żoni urbani bħal parks u żoni għal użu pubbliku (13);

44.

jirrimarka li l-Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali kif appoġġjati mill-KtR jistgħu jkunu għodda siewja biex jiġi stmat l-impatt potenzjali u possibbilment divrenzjat ħafna tal-leġislazzjoni dwar it-tranżizzjoni klimatika, enerġetika u ekoloġika fir-reġjuni differenti fl-UE. F’dan il-kuntest, il-KtR jista’ jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu bl-għodod tal-valutazzjoni tal-impatt taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka biex ikompli jsaħħaħ l-azzjoni tiegħu fil-qasam;

45.

iqis li l-prinċipju tat-tranżizzjoni ġusta, jiġifieri li “ħadd ma jitħalla l-art”, huwa wieħed mill-prinċipji gwida għat-tranżizzjoni ekoloġika u klimatika, mil-lat soċjali, territorjali u politiku; F’dan il-kuntest, il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku għandha titqies bħala waħda mill-prijoritajiet meta jitfasslu politiki u programmi relatati mal-enerġija, u jiġu stabbiliti objettivi speċifiċi biex jitnaqqas sal-2030 u jinqered sal-2050 (14);

46.

jenfasizza l-importanza ewlenija tal-impenn miż-żgħażagħ. Kunsilli taż-żgħażagħ reġjonali u lokali u movimenti taż-żgħażagħ għandhom ikunu involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-klima u l-SDGs;

47.

jenfasizza li t-tranżizzjoni ekoloġika toħloq negozji ta’ kwalità u impjiegi fl-ekonomija ċirkolari, fis-setturi tal-enerġija nadifa, tal-ikel u tal-agrikoltura, u jistieden lill-UE żżid il-koerenza tal-objettivi klimatiċi permezz tal-politika ta’ koeżjoni, tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE+) u InvestEU, filwaqt li tiżgura li l-implimentazzjoni tal-SDGs tiġi lokalizzata u reġjonalizzata;

Miri, indikaturi u data

48.

itenni li, fil-qafas ta’ strateġija komprensiva tal-UE dwar is-sostenibbiltà u l-istrateġiji tal-Istati Membri dwar is-sostenibbiltà għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, jinħtieġu b’mod kruċjali stadji importanti tanġibbli miftiehma b’mod konġunt, indikaturi, u kejl fil-ħin reali tad-data relatata mat-tibdil fil-klima u mal-SDGs tal-muniċipalitajiet, il-bliet u r-reġjuni lokali biex jinkisbu l-miri ta’ sostenibbiltà ekonomika, ekoloġika, soċjali u kulturali;

49.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ sensiela ta’ indikaturi ewlenin fil-livell lokali u reġjonali għall-Aġenda 2030, kif ukoll data robusta dwar il-klima fil-livell sottonazzjonali u l-importanza tal-użu ta’ teknoloġija ġdida bħall-intelliġenza artifiċjali biex jinxteħet dawl fuq l-azzjonijiet klimatiċi mill-komunitajiet lokali. F’dan ir-rigward, ifakkar fl-importanza li jsir l-aħjar użu mill-bażi tad-data tal-Patt tas-Sindki u mill-opportunità li jinħoloq pont bejn id-data lokali u reġjonali u l-Kontributi Stabbiliti fil-livell Nazzjonali permezz tal-istabbiliment ta’ Kontribut Stabbilit fil-livell Lokali;

50.

jinnota l-esperjenza preċedenti tal-bliet u r-reġjuni fl-iżvilupp ta’ indikaturi speċifiċi relatati mal-ambjent, mal-kwalità tal-ħajja u mal-benesseri taċ-ċittadini; huwa importanti li dawn ikunu mfassla apposta biex jissodisfaw il-ħtiġijiet lokali;

51.

jenfasizza li t-trasferiment tal-għarfien u l-ħolqien konġunt tal-għarfien, bejn il-pari, u l-attivitajiet ta’ ġemellaġġ u ta’ mentoring għandhom jiġu identifikati, promossi u ffinanzjati b’mod adegwat mill-UE;

Azzjonijiet futuri

52.

jimpenja ruħu li jġedded il-proċessi u l-prattiki tiegħu stess biex jappoġġja aħjar lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-lokalizzazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-SDGs taħt l-Istrateġija ta’ Żvilupp Sostenibbli għall-UE kollha, u b’dan il-mod ikun qed jittratta t-talbiet taċ-ċittadini biex tittieħed aktar azzjoni u jkun hemm riżultati konkreti għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima;

53.

jitlob li jissaħħaħ l-użu tas-sħubijijiet pubbliċi-privati, l-akkwist pubbliku ekoloġiku u l-implimentazzjoni ta’ proġetti pilota relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

54.

jinnota bi tħassib il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE ma’ pajjiżi oħra u jisħaq li dawn it-trattati jikkonformaw mal-SDGs, mal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-istandards ambjentali tal-UE;

55.

jenfasizza li, permezz tal-kapaċità tal-akkwist tagħhom biex jagħżlu l-oġġetti u l-fornituri tas-servizzi u tax-xogħol, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-konsum sostenibbli u l-produzzjoni sostenibbli, għal ekonomija aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u, b’hekk, għat-tilħiq tal-SDGs;

56.

jaqbel mal-għan tal-Aġenda 2030 li jinkisbu kundizzjonijiet u proċessi ambjentalment sostenibbli billi jissaħħu r-riżorsi naturali u l-protezzjoni tal-ekosistemi l-aktar fraġli, filwaqt li jfakkar fl-importanza tal-azzjonijiet sottonazzjonali u lokali relatati mal-ambjent u t-tibdil fil-klima f’konformità mal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp Sostenibbli. Jenfasizza l-kooperazzjoni deċentralizzata, is-sħubijiet b’diversi partijiet interessati, it-tagħlim u l-kondiviżjoni ta’ esperjenzi fil-proċess ta’ tnaqqis u rimedju għall-impronta tat-territorji f’termini ta’ konsum tar-riżorsi u tal-emissjonijiet tas-CO2;

57.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Parlament Ewropew rigward l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u b’mod partikolari l-Manifest tal-Intergrupp dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Bijodiversità u l-Iżvilupp Sostenibbli, u jappella għal kooperazzjoni produttiva mal-kumitati kompetenti u mal-Intergrupp matul il-mandat 2019-2024;

58.

jappella għall-integrazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-ħidma futura tal-istituzzjonijiet tal-UE fil-mandat li jmiss, bil-kooperazzjoni tal-KtR.

Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, “Lejn Unjoni dejjem aktar sostenibbli sal-2030”, 9.4.2019

(2)  COR-2019-00239, L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs): bażi għal strateġija fit-tul tal-UE għal Ewropa sostenibbli sal-2030, ECON-VI/044, relatur: Arnoldas Abramavičius (LT/PPE) (ĠU C 404, 29.11.2019, p. 16).

(3)  Jiġi żgurat, sal-2030, aċċess għal kulħadd għal akkomodazzjoni sikura u affordabbli; trasport sikur, affordabbli, aċċessibbli u sostenibbli; tnaqqis sinifikanti ta’ mwiet minn esponiment għal riskji ta’ diżastri, tniġġis tal-arja u tal-ilma; kif ukoll il-miri orizzontali biex jitjieb l-involviment taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet, l-iżvilupp ta’ strateġiji għall-ippjanar integrat urban u rurali u l-integrazzjoni soċjali, il-ħarsien tal-wirt kulturali u t-tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-bliet per capita;

(4)  eż. EIT Climate KIC, Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni, Pjattaforma tal-Enerġija, Sħubijiet tal-Aġenda Urbana tal-UE u l-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija.

(5)  eż. ERRIN, Eurocities, Climate Alliance u l-Patt tas-Sindki.

(6)  Bħalma huma l-osservatorji transfruntiera għat-tibdil fil-klima tal-Alpi u l-Pirinej u, b’mod partikolari, ir-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT).

(7)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2019 dwar It-tibdil fil-klima — viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi (2019/2582 (RSP) (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  COM(2019)218 final “L-Ewropa f’Mejju 2019: Tħejjija għal Unjoni aktar magħquda, aktar b’saħħitha u aktar demokratika f’dinja dejjem aktar inċerta”

(9)  COR-2018-03652 (ĠU C 461, 21.12.2018, p. 210).

(10)  COR-2019-00617. Opinjoni dwar “L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi permezz ta’ tranżizzjoni tal-enerġija innovattiva u sostenibbli fil-livell reġjonali u lokali”, relatur: Witold Stępień (PL/PPE) (ara paġna XXX ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Programm tan-NU dwar l-Ambjent – Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) fil-Valutazzjoni Globali reċenti dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Kif jissemma fl-Opinjoni COR-2018-05736 dwar “Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima”, ENVE-VI/037, relatur: Michele Emiliano (IT/PSE) (ĠU C 404, 29.11.2019, p. 58).

(13)  COR-2019-03645. Opinjoni dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma”, ENVE-VI/034, relatur: Oldřich Vlasák (CZ/KRE) (ĠU C 86, 7.3.2019, p. 353).

(14)  Kif iddikjarat fl-Opinjoni COR-2018-05877 dwar “Il-governanza f’diversi livelli u l-kooperazzjoni transsettorjali fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku”, ENVE-VI/038, relatur: Kata Tüttő (HU/PSE) (ĠU C 404, 29.11.2019, p. 53).


5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/33


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Implimentazzjoni tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa: il-pjani nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima (NECPs) bħala għodod għal approċċ ta’ governanza lokali u territorjali għall-klima, l-enerġija attiva u l-enerġija passiva

(2020/C 39/07)

Relatur

:

József RIBÁNYI (HU/PPE), Viċi President tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Tolna Megye

Dokument ta’ referenza

:

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-inizjattivi tal-President elett Ursula von der Leyen taħt Patt Ekoloġiku Ewropew futur u r-rieda tagħha li tinkludi l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-isforzi biex l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent b’impatt newtrali fuq il-klima;

2.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jirrikjedi li l-Istati Membri tal-UE jħejju pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima (NECP), li jistabbilixxi l-bażi għal approċċ aktar komprensiv u trasversali għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija;

3.

jenfasizza l-fatt li l-NECPs ta’ għaxar snin ikopru l-perjodu 2021-2030, u jridu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet il-ġodda tal-UE dwar l-enerġija u l-klima għall-2030 fil-livell nazzjonali, kif ukoll jistabbilixxu l-bażi għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġija fit-tul għan-netwralità klimatika sal-2050, li għandha l-għan li tnaqqas ir-ritmu tat-tisħin globali, kif ukoll ikunu konformi tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi; Għal dan il-għan, il-KtR jappella lill-Istati Membri jilħqu l-miri ambizzjużi tal-UE għall-2030 fl-NECPs finali tagħhom sa tmiem l-2019, b’mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Il-valutazzjonijiet preliminari tal-NECPs mill-Kummissjoni juru li sar progress tajjeb, iżda li ħafna abbozzi ta’ pjani ma jissodisfawx ir-rekwiżiti, u li, f’termini tal-miri ġenerali tal-UE u l-kisba tagħhom, l-Istati Membri kollha għandhom jadottaw miżuri aktar ambizzjużi, u għaldaqstant, iżidu, jiċċaraw u jtejbu l-proposti tagħhom. L-Istati Membri kollha, wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, għandhom iħejju l-NECPs finali tagħhom biex jiżguraw li l-pjani tagħhom jilħqu l-miri u l-objettivi msemmija hawn fuq;

4.

jilqa’ bi pjaċir li r-Regolament dwar il-Governanza jirrikonoxxi r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-NECPs sa mit-tfassil tagħhom, billi jenfasizza l-ħtieġa għal konsultazzjoni pubblika effettiva u billi jipproponi l-istabbiliment ta’ Djalogu f’Diversi Livelli dwar il-Klima u l-Enerġija, f’konformità mal-approċċ minn isfel għal fuq. L-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkopri l-fażijiet kollha li jibdew mill-istadju ta’ tħejjija, permezz tar-rispons għall-valutazzjonijiet preliminari mill-Kummissjoni, għall-implimentazzjoni u r-reviżjoni. Madankollu, jinnota li s’issa bosta Stati Membri ma rnexxielhomx jinvolvu bis-sħiħ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan il-proċess; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-involviment tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali fil-proċess ta’ abbozzar, minbarra l-Istati Membri, jirriżulta fil-kisba tal-miri b’mod aktar effiċjenti u inklużiv;

5.

jirrimarka li bosta Stati Membri jqisu li l-istrutturi li għandhom fis-seħħ huma biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet tal-konsultazzjoni pubblika u tad-djalogu f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija: fil-passat wieħed mill-akbar problemi kien il-fatt li l-Istati Membri kienu tal-fehma li setgħu jkampaw waħidhom. Il-KtR jirrakkomanda li l-Istati Membri jivvalutaw b’mod kritiku dawn l-istrutturi, speċjalment fid-dawl tal-kontenut li jistgħu jiġġeneraw, il-kopertura u r-rappreżentanza tal-awtoritajiet lokali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-komunità tan-negozju, tal-investituri, tal-partijiet interessati rilevanti oħra u tal-pubbliku ġenerali, u jagħmlu disponibbli l-input li dawn l-istrutturi jiġġeneraw biex jiżguraw li l-għanijiet stabbiliti fir-Regolament dwar il-Governanza għall-konsultazzjoni pubblika u d-djalogu f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija jiġu ssodisfati kompletament bil-għan aħħari li jikkontribwixxi għas-saħħa u l-benessri taċ-ċittadini kollha u tal-ġenerazzjonijiet futuri;

6.

għandhom jiġu sfruttati l-għarfien espert, ir-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni u r-riżorsi finanzjarji tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex titlesta l-Unjoni tal-Enerġija; għaldaqstant, jirrakkomanda l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-enerġija nadifa, u li jitqiesu kif xieraq il-kwistjonijiet potenzjali tagħhom f’dan il-proċess għal reviżjonijiet futuri possibbli. Jirrimarka li l-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija u inizjattivi simili oħra jista’ jkollhom rwol kruċjali biex jiggwidaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid tal-UE dwar l-enerġija;

7.

jistieden lill-Istati Membri jaħdmu flimkien mill-qrib mal-KtR u l-membri tiegħu dwar l-NECPs rispettivi tagħhom. Dan jista’ jkun element importanti fil-konsultazzjonijiet pubbliċi rispettivi tagħhom u fid-djalogi f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija u jista’ jipprovdi feedback siewi mil-livell lokali u reġjonali;

8.

jirrikonoxxi ż-żmien limitat u d-diffikultajiet assoċjati li l-Istati Membri kellhom biex jipproduċu l-abbozz ta’ NECPs tagħhom, u jinkoraġġixxi livell ogħla ta’ ambizzjoni u integrazzjoni aktar vertikali għall-NECPs finali mistennija sa tmiem l-2019 biex jiġi żgurat li l-Ewropa jkollha perkors robust b’impatt newtrali fuq il-klima u li jkun konformi mal-Ftehim ta’ Pariġi, f’konformità mal-aktar xenarju ambizzjuż propost fl-istrateġija fit-tul tal-2050; Il-KtR iħeġġeġ ukoll, f’dan il-kuntest, l-iżvilupp ta’ sistema ta’ kontributi determinati lokalment biex jikkomplementaw il-kontributi determinati nazzjonalment skont il-ftehim ta’ Pariġi, li jsaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-abbozzar ta’ NECPs komprensivi. L-awtoritajiet lokali jistgħu jużaw kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni biex jgħinu biex jintlaħqu l-miri b’mod aktar effettiv, u jeħtiġilhom ikollhom aċċess għal professjonisti mħarrġa sew għal dan il-għan. Il-fondi tal-UE għandhom għalhekk jiġu sfruttati għat-tixrid tal-informazzjoni u għall-ħolqien tal-impjiegi fil-qasam tal-politika dwar l-enerġija u l-klima, bil-għan aħħari li jiġu ssalvagwardjati s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini kollha u tal-ġenerazzjonijiet futuri;

Forom ta’ enerġija attiva u passiva li jikkontribwixxu għall-NECPs

9.

jinnota li t-terminu “enerġija attiva” kif inhu użat fis-settur tal-kostruzzjoni, magħruf ukoll bit-terminu iktar wiesa’ “enerġija rinnovabbli”, jirreferi hawnhekk għal enerġija ġġenerata, maħżuna u kkunsmata lokalment mid-diversi atturi lokali (entitajiet pubbliċi, muniċipali u privati, unitajiet domestiċi). Eżempji ta’ dan huma sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u nodfa, li jinkludu fost oħrajn, enerġija ġeotermali, enerġija solari, enerġija mir-riħ, enerġija termali, enerġija idroelettrika, enerġija tal-baħar jew il-bijomassa. Sorsi ta’ enerġija bħal dawn jaqdu rwol ewlieni fil-kisba tal-għanijiet tal-NECPs għall-2030;

10.

jirrimarka li t-terminu “enerġija passiva”, kif użata fis-settur tal-kostruzzjoni, magħruf ukoll bit-terminu iktar wiesa’ “effiċjenza enerġetika”, min-naħa l-oħra, jirreferi għall-iffrankar tal-enerġija bbażat fuq l-użu effiċjenti tal-enerġija kollha ġġenerata, li jfisser li l-konsum tal-enerġija u konsegwentement, l-ispejjeż tal-enerġija tal-konsumaturi finali jonqsu, flimkien mal-livell ta’ tniġġis. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtiġilhom jorganizzaw is-servizzi pubbliċi lokali u reġjonali b’mod li jkunu effiċjenti fl-użu tal-enerġija, pereżempju peremezz ta’ politika ta’ akkwist sostenibbli;

11.

iżid jgħid li l-kunċett ta’ enerġija passiva huwa marbut mill-qrib mal-aspetti klimatiċi u huwa rilevanti wkoll għall-istabbiliment tal-marka tal-karbonju usa’ tal-binjiet u huwa parti integrali tal-ekonomija ċirkolari. Meta joħorġu permessi tal-bini, filwaqt li jqisu l-kundizzjonijiet lokali speċifiċi u l-ispeċifiċitajiet tal-bini, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom iħeġġu l-użu ta’ materjal tal-bini magħmul minn materja prima lokali u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent (qasab, pellets, tiben, qoxra tas-siġar, qanneb, injam u folji tal-injam inkollati, li preferibbilment għandhom marka tal-karbonju ta’ żero), aktar milli konkrit u materjali oħra tradizzjonali tal-kostruzzjoni li l-produzzjoni, l-installazzjoni, id-demolizzjoni u r-riċiklaġġ tagħhom joħolqu emissjonijiet sinifikanti ta’ CO2. Għandhom jippromovu wkoll miżuri oħra li għandhom l-għan li jżidu r-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija; Dawn il-kunċetti għandhom jiġu integrati fl-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni Nazzjonali fit-Tul dovuti mill-Istati Membri sa Marzu 2020;

12.

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi importanti fil-qasam tal-enerġija, kemm attiva kif ukoll passiva. Dawn għandhom ikunu assoċjati mal-NECPs fil-livell nazzjonali, bħala investituri importanti, responsabbli għall-manutenzjoni tal-bini, operaturi ta’ netwerks tat-trasport pubbliku, korpi responsabbli għas-sensibilizzazzjoni pubblika, atturi fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, awtoritajiet regolatorji fl-ippjanar urban, fl-ippjanar tal-ispazju u l-ippjanar tal-użu tal-art, bħala maniġers tal-produzzjoni tal-enerġija deċentralizzata u awtoritajiet kontraenti għal akkwist pubbliku ekoloġiku. Ippjanar tajjeb tal-produzzjoni u tal-użu tar-riżorsi lokali huwa meħtieġ biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom kif xieraq. F’dan ir-rigward, ikun jaqbel li tingħata attenzjoni lit-tipi differenti ta’ enerġija rinnovabbli, għar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, għall-effiċjenza enerġetika u għall-użu ta’ materjali tal-kostruzzjoni lokali, naturali u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;

13.

jenfasizza l-ħafna effetti pożittivi tal-appoġġ li jipprovdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiżdiedu l-ġenerazzjoni, il-ħżin u l-użu ta’ enerġija attiva, primarjament rinnovabbli. Bħala eżempju, il-KtR jirrimarka li fis-settur tat-trasport, speċjalment fiż-żoni urbani u bejnhom, huwa partikolarment importanti li jiżdied l-użu ta’ bijofjuwils sostenibbli bħala soluzzjoni interim, li fil-perjodu medju jsir użu mill-mobbiltà elettrika li taħdem bl-idroġenu u bil-batteriji, kif ukoll li jittieħdu passi biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport b’mod integrat, li jinkludi l-promozzjoni tat-trasport pubbliku, car-sharing u soluzzjonijiet innovattivi oħra, peress li l-volum tat-traffiku huwa mistenni li jikber u l-magni bil-kombustjoni ser ikomplu jkollhom rwol sinifikanti. Eżempju ta’ bijofjuwil sostenibbli bħala soluzzjoni interim jista’ jkun il-bijoetanol bħala enerġija attiva li faċilment tiġi ġġenerata, użata u maħżuna lokalment, li tipproduċi prodotti sekondarji li jistgħu jintużaw (bħall-għalf), tnaqqas id-dipendenza mill-importazzjonijiet u toħloq għadd sinifikanti ta’ impjiegi. Huwa importanti ħafna li r-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija ma tagħmilhiex impossibbli li tiġi promossa l-bijoenerġija sostenibbli;

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil ta’ NECPs

14.

jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtiġilhom iressqu proposti u emendi għall-NECPs nazzjonali tagħhom, u li r-rwol tagħhom irid jiġi distint minn partijiet interessati oħra li ma jappartjenux għall-amministrazzjoni pubblika. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma intitolati li jkunu direttament involuti f’miżuri relatati mal-effiċjenza enerġetika, it-tranżizzjoni tal-enerġija, it-tibdil fil-klima u tmiem l-użu tal-fjuwils fossili, mingħajr ma jintesa li huma għandhom ukoll rwol importanti fil-ġestjoni tal-faqar enerġetiku, billi jibbażaw fuq l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi kollha tal-awtoritajiet lokali fl-UE (il-KtR, il-Patt tas-Sindki);

15.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Istati Membri huma infurmati dwar ir-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward ta’ diversi prijoritajiet essenzjali tar-regolament dwar l-Unjoni tal-Enerġija. Il-parteċipazzjoni diretta tagħhom hija ġġustifikata fir-rigward tal-azzjonijiet relatati mal-effiċjenza fl-enerġija, it-tibdil fil-klima u d-dekarbonizzazzjoni, mal-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura meħtieġa tal-enerġija, inklużi t-teknoloġiji tal-ħżin u l-akkoppjament tas-settur. Dawn għandhom ukoll rwol importanti fil-ġestjoni tal-faqar enerġetiku;

16.

jirrimarka li l-pubbliku ġenerali mhuwiex konxju dwar it-tfassil tal-NECPs u li minħabba restrizzjonijiet ta’ żmien, il-proċessi ta’ konsultazzjonijiet li jakkumpanjaw l-iżvilupp tal-NECPs s’issa ma kinux daqshekk wesgħin u profondi kif mixtieq. Dan huwa żvilupp ta’ min jiddeplorah, peress li dawn il-pjani jiġu implimentati fil-livell lokali, fil-muniċipalitajiet u fil-bliet; jitlob għalhekk lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jżidu l-isforzi tagħhom biex jinformaw lill-pubbliku ġenerali usa’ dwar il-proċess tan-NECP, u meta n-NECPs finali jkunu ġew sottomessi, biex joħolqu mezzi li jinvolvu lill-partijiet interessati kollha fl-implimentazzjoni tagħhom;

17.

jinnota li r-rekwiżiti għall-iżvilupp lokali u reġjonali relatati mal-NECPs (eż. il-proposti għal proġetti dwar l-effiċjenza enerġetika, id-dekarbonizzazzjoni u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jew il-faqar enerġetiku) ġew definiti abbażi ta’ stima approssimattiva. Dan huwa dovut parzjalment għal rappreżentanza insuffiċjenti tal-livell lokali u reġjonali fl-NECPs; ifakkar ukoll li l-bażi ta’ data tal-Patt tas-Sindki tista’ tipprovdi data u informazzjoni utli għall-Istati Membri fejn in-numru ta’ firmatarji huwa għoli;

Governanza tajba: l-implimentazzjoni tal-NECPs f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali

18.

jenfasizza li l-Istati Membri tal-UE jeħtieġ li jfasslu NECPs li jinkludu inizjattivi ta’ implimentazzjoni li huma fl-interess kemm tal-konsumaturi aħħarin tal-enerġija kif ukoll tal-prosumaturi, minn naħa waħda, u tal-fornituri l-oħra fis-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija, min-naħa l-oħra. Inizjattivi bħal dawn jirrappreżentaw għadd ta’ vantaġġi għas-sistema tal-enerġija (ħtieġa inqas għal infrastruttura tat-trasport u manutenzjoni, u żieda fir-reżiljenza u l-flessibbiltà), fosthom prezzijiet ġusti u l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu innovattiv għall-iffissar tal-prezzijiet għal kwalunkwe enerġija żejda minn sistemi li jalimentaw il-grilja;

19.

jenfasizza li l-esperjenza u l-għarfien tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala atturi ta’ implimentazzjoni huma meħtieġa biex jiġu identifikati l-inkonsistenzi u s-sinerġiji potenzjali bejn l-NECPs u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali, is-Semestru Ewropew u l-istrateġija fit-tul tal-UE għan-newtralità tal-klima sal-2050;

20.

jinnota li l-inizjattivi li jinsabu għaddejjin u l-aħjar prattiki għandhom jiġu kkoordinati wkoll. F’dan ir-rigward, il-KtR jiġbed l-attenzjoni għall-inizjattivi interattivi fil-qafas tal-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija;

21.

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, permezz ta’ inizjattivi u programmi ta’ sensibilizzazzjoni, jistgħu jittrasformaw lill-konsumaturi tal-enerġija fi prosumaturi billi jappoġġjaw l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija li huma ġġenerati, maħżuna u kkunsmati lokalment, mhux l-inqas fil-forma ta’ komunitajiet tal-enerġija lokali, li l-potenzjal tagħhom għad irid jiġi żviluppat. Il-prosumaturi jistgħu mbagħad isiru membri attivi f’netwerks tal-enerġija intelliġenti u deċentralizzati stabbiliti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

22.

jappoġġja d-Djalogu f’Diversi Livelli dwar il-Politika dwar il-Klima u l-Enerġija, peress li dan se jagħti spinta lill-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-diskussjonijiet ta’ politika mwettqa flimkien mal-NECPs. Dan id-djalogu huwa daqstant ieħor essenzjali biex jiġi żgurat ir-rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Bħala parti minn dan il-proċess, huwa rakkomandabbli li tiġi rikonoxxuta r-rabta mill-qrib bejn il-miżuri li jittieħdu fir-rigward tal-enerġija u l-azzjoni klimatika, kif ukoll l-integrazzjoni effettiva tagħhom; f’dan ir-rigward, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtiġilhom jaħtru l-maniġers tal-enerġija. Il-Kumitat għalhekk jiġbed l-attenzjoni għal darb’oħra li l-fondi tal-UE għandhom jintużaw biex jinħolqu impjiegi fil-qasam tal-politika dwar l-enerġija u l-klima, bil-għan aħħari jkun is-salvagwardja tas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini kollha u tal-ġenerazzjonijiet futuri;

23.

jiġbed l-attenzjoni, pereżempju, għad-Djalogu Nazzjonali Irlandiż dwar it-Tibdil fil-Klima li, permezz ta’ sensibilizzazzjoni, miżuri ta’ mobilizzazzjoni u diversi inċentivi, iħeġġeġ inizjattivi ta’ ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali. Permezz ta’ din il-prattika tajba, jista’ jintlaħaq kunsens dwar kif jiġu indirizzati l-isfidi u jkunu jistgħu jittieħdu l-miżuri meħtieġa. Il-partijiet interessati jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmi u pjattaformi permanenti għal konsultazzjoni regolari dwar kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali u ta’ interess pubbliku relatati mal-politika dwar l-enerġija u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Id-djalogu nazzjonali għandu wkoll rwol importanti biex jiġu definiti l-prijoritajiet għall-politika dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima; tali prattiki għandhom jiġu mħeġġa u mxerrda b’mod aktar qawwi fl-Istati Membri kollha filwaqt li jiġu appoġġjati kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni;

24.

jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu rikonoxxuti mill-Istati Membri bħala msieħba rilevanti meta jiġi definit ix-xenarju l-ġdid għall-enerġija u l-klima. Huwa importanti li jiġu mifhuma u megħluba l-isfidi u l-ostakli fil-livell lokali, u li jiġu identifikati miżuri xierqa u strateġiji ta’ implimentazzjoni effettivi li jagħtu kredibbiltà l-impenji nazzjonali u Ewropej u sabiex iċ-ċittadini jaċċettaw il-bidliet meħtieġa. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jibqgħu l-livell ta’ governanza li huwa l-eqreb għall-konsumaturi, u huma dawk li qed jimmaniġġjaw il-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija (eż. l-introduzzjoni ta’ arloġġi u grilji intelliġenti) kif ukoll ħafna aspetti tal-bidiet meħtieġa għall-infrastruttura tal-enerġija eżistenti. Barra minn hekk, qed iniedu programmi ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-enerġija u l-klima, li qed jippermettu tnaqqis fl-infiq u jnaqqsu l-marka tal-karbonju tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji, u joħolqu ambjent li jiffavorixxi l-investiment;

25.

jirrimarka li sabiex jiġu indirizzati l-problemi relatati mat-tranżizzjoni għal enerġija nadifa flimkien mal-kwistjonijiet klimatiċi jeħtieġ li jkun hemm ħidma konġunta bejn il-livelli differenti ta’ governanza (Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali) kif ukoll mas-setturi pubbliċi u privati, ċentri ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni u d-dinja akkademika. L-użu ta’ enerġija attiva u passiva jappoġġja wkoll dan il-proċess, peress li l-kapaċità li jiġi minimizzat l-użu tal-enerġija tul iċ-ċiklu tal-ħajja, u b’hekk it-tħassib dwar il-marka tal-karbonju, tagħmel sens kemm għat-tranżizzjoni għal enerġija nadifa kif ukoll għall-klima;

26.

jinnota li peress li l-faqar enerġetiku huwa problema kumplessa, l-NECPs għandhom jindirizzawha mill-perspettiva tal-enerġija u l-klima, filwaqt li jisfruttaw il-bażijiet taddata u l-pubblikazzjonijiet tal-Osservatorju Ewropew tal-Faqar Enerġetiku. Huwa importanti wkoll li l-valutazzjoni tal-għadd ta’ unitajiet domestiċi affettwati mill-faqar enerġetiku msemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika tkun ibbażata fuq data preċiża u verifikabbli;

27.

jipproponi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali biex jimplimentaw proġetti orjentati lejn il-futur taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), kif ukoll permezz tal-inizjattivi JASPERS u ELENA, li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-UE dwar il-klima u l-enerġija. F’dan l-ispirtu, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti għandu jipprovdi proċedura rapida biex jiġu appoġġjati l-bliet li jkunu impenjaw ruħhom li jiżviluppaw proġetti b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju;

28.

jisħaq li sinerġiji aħjar bejn il-FSIE u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi huma ta’ importanza kruċjali għall-implimentazzjoni ta’ proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija sostenibbli;

29.

jenfasizza li l-NECPs iridu jippromovu l-innovazzjoni fl-enerġija għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u newtralità klimatika sal-2050 u, konsegwentement, Unjoni tal-Enerġija reżiljenti u orjentata lejn il-futur, b’politika dwar il-klima li tista’ tagħti spinta lill-impjieg, lit-tkabbir u lill-investiment. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti speċjalment f’inizjattivi ta’ “bliet intelliġenti” flimkien ma’ akkwisti pubbliċi ekoloġiċi fil-qasam tal-enerġija nadifa, f’oqsma bħalma huma l-iffrankar tal-enerġija fit-trasport urban, strateġiji ta’ trasport interreġjonali, kollaborazzjoni f’teknoloġiji ġodda għall-ħżin u bini pubbliku intelliġenti;

30.

jirrakkomanda li l-KtR għandu jaqdi rwol ta’ faċilitatur fl-implimentazzjoni tal-NECPs u tad-Djalogu f’Diversi Livelli dwar il-Klima u l-Enerġija, bħala l-korp li jirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonali u fil-qafas tal-proġett pilota tiegħu għal ċentri reġjonali, biex b’hekk tkun provduta triq addizzjonali biex jintlaħaq il-livell lokali u reġjonali barra l-oqfsa interni tal-Istati Membri;

31.

għal dan il-għan jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-koorganizzazzjoni ta’ forum rikorrenti biex jiġu diskussi kwistjonijiet dwar il-klima u l-enerġija inklużi l-NECPs. Dan għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, id-DĠ għall-Azzjoni Klimatika, id-DĠ għall-Enerġija, il-Kummissjoni ENVE tal-KtR u l-Istati Membri. Dan il-forum jista’ jiġi implimentat b’mod simili għall-“Pjattaforma Teknika għall-Kooperazzjoni dwar l-Ambjent, id-DĠ Ambjent u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni” li qed topera bħalissa u li għandha l-għan li trawwem djalogu dwar il-problemi u s-soluzzjonijiet lokali u reġjonali fl-applikazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE, kif imsemmi fil-Programm ta’ Azzjoni Ġenerali tal-Unjoni għall-Ambjent sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (is-7 EAP). Dan il-forum il-ġdid jista’ jikkontribwixxi ħafna għad-Djalogi f’Diversi Livelli dwar il-Klima u l-Enerġija fl-Istati Membri kollha, li jippermettu, fost affarijiet oħra, l-iskambju ta’ informazzjoni, it-teħid ta’ rendikont tal-progress, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u t-tagħlimiet miksuba, il-kontribut għal titjib fir-riżultati tal-klima u l-enerġija u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-atturi kollha involuti;

32.

jirrimarka li meta l-implimentazzjoni tal-NECPs tirnexxi din se ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE u tikkontribwixxi għall-istabbiltà ekonomika tagħha, kif ukoll tipprovdi qafas ċar għall-investituri;

33.

jinnota li l-NECPs joħolqu rabta bejn iż-żoni urbani u rurali bis-saħħa ta’ riżorsi lokali u ġġenerati lokalment. Dan se jiggarantixxi futur sikur għall-persuni li jgħixu f’żoni rurali u jissodisfa l-ħtiġijiet tal-enerġija taż-żoni urbani, filwaqt li jevita azzjonijiet li jagħmlu ħsara lill-klima.

34.

jenfasizza li l-NECPs mhumiex inizjattiva ta’ darba. L-iffinalizzar tal-NECPs fi tmiem l-2019 huwa l-ewwel pass kbir, madankollu l-NECPs se jkunu jeħtieġu rfinar kontinwu u progress. Għalhekk huwa importanti li jkun hemm strutturi u forums biex jgħinu fit-titjib ulterjuri tal-NECPs fil-futur, u li jiġi żgurat li d-Djalogi f’Diversi Livelli dwar il-Klima u l-Enerġija jistgħu jikkontribwixxu bis-sħiħ għal dan.

Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.


5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/38


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-kontribut tar-reġjuni u l-bliet għall-qafas ta’ politika ġdid tal-UE għall-SMEs

(2020/C 39/08)

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

jinnota li xi Stati Membri tal-UE qed jesperjenzaw tnaqqis fir-ritmu. Din il-problema hija viżibbli l-aktar fil-livell reġjonali u hija riflessa fil-produttività mnaqqsa tax-xogħol u l-effiċjenza tal-produzzjoni, tendenzi li qed jiddgħajfu tal-kummerċ, investimenti pubbliku u privati konsistentement ta’ livell baxx fit-trasport, l-enerġija u l-infrastruttura diġitali kif ukoll livell persistenti – u relattivament għoli – ta’ inugwaljanza ekonomika u soċjali. Dan, flimkien ma’ żviluppi globali bħar-rivoluzzjoni industrijali li jmiss, id-demografija u n-natura li qed tinbidel tax-xogħol, jeħtieġ tweġibiet ta’ politika innovattivi;

2.

jirrikonoxxi li l-kompetittività tal-ekonomiji Ewropej hija bbażata fuq il-potenzjal intraprenditorjali u innovattiv tal-SMEs u għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon is-sejħiet mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill biex jiżviluppaw aktar l-istrateġija ekonomika ġenerali tal-UE, filwaqt li jitqies ir-rwol speċifiku ta’ dak is-settur;

3.

jenfasizza l-impatt tas-“Small Business Act” fuq l-iżvilupp tal-SMEs għaxar snin wara t-tnedija tiegħu, iżda fl-istess ħin jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ orizzontali għall-appoġġ tal-SMEs u li l-effetti tal-implimentazzjoni tal-programm jiġu mmonitorjati b’mod aktar effettiv;

4.

jindika l-ħtieġa li jiġu pprovduti għodod speċifiċi għall-appoġġ tal-SMEs fil-programmi tal-Kummissjoni, filwaqt li titqies id-diversità tas-settur tal-SMEs, u jiġi żgurat approċċ ibbażat fuq l-effiċjenza aktar flessibbli u li jippermetti lin-negozji jkomplu jiżviluppaw. Il-Kumitat jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tieħu miżuri konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-istudju tal-KtR dwar “EU policy framework on SMEs: state of play and challenges (Il-qafas ta’ politika tal-UE għall-SMEs: il-qagħda attwali u l-isfidi)” (1). Dawn l-istrumenti ġodda għandhom ikunu mmirati prinċipalment lejn intrapriżi żgħar li jwettqu proġetti riskjużi;

5.

jenfasizza r-rwol u r-responsabbiltà tal-Istati Membri u tar-reġjuni biex ifasslu u jħaddmu l-istrumenti għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-SMEs. Dawn għandhom, b’mod partikolari, jappoġġjaw l-iżvilupp tal-kompetenzi kemm tal-impjegati tal-SMEs kif ukoll tal-SMEs innifishom, inkluż fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni, li se jkun ta’ benefiċċju għall-iżvilupp fit-tul ta’ dawn l-intrapriżi;

6.

ifakkar fil-ħtieġa urġenti li jiġi promoss l-iżvilupp tal-SMEs barra miż-żoni metropolitani, b’mod partikolari fil-kuntest tal-programmi operattivi tal-Istati Membri tal-UE;

7.

jirrikonoxxi l-importanza tan-negozji ġodda fil-qafas tal-SMEs (2), peress li huma responsabbli għal ħafna innovazzjonijiet li jfixklu, iżda jindika l-ħtieġa li n-negozji eżistenti jiġu appoġġjati wkoll biex ikabbru u jinnovaw b’mod inkrementali mill-mument li jidħlu fis-suq lokali sa meta jingħaqdu mas-suq globali. Il-politika Ewropea għandha tieħu approċċ usa’ biex tappoġġja n-negozji;

8.

huwa tal-opinjoni li l-politika tal-UE għandha tappoġġja l-proċess ta’ integrazzjoni tal-SMEs fil-ktajjen internazzjonali ta’ valur fit-territorji Ewropej kollha; jinnota li l-internazzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi ta’ ċerti SMEs lil hinn mill-UE tista’ tiżgura t-tixrid tal-aħjar soluzzjonijiet, filwaqt li tkun ta’ benefiċċju għall-SMEs Ewropej u b’hekk twassal għal titjib fil-produttività tagħhom, l-aktar permezz tat-trasferiment tal-għarfien u l-għarfien espert;

9.

jirrikonoxxi l-importanza tan-Netwerk tar-Rappreżentanti tal-SMEs, li għandu jkollu rwol importanti fl-identifikazzjoni tal-problemi u l-opportunitajiet għall-intraprendituri Ewropej;

10.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi u implimentati proċeduri amministrattivi li jiffrankaw il-ħin u li jitnaqqas il-piż amministrattiv fil-livelli Ewropej u nazzjonali kollha, li għandu impatt sinifikanti fuq il-funzjonament tal-SMEs, inklużi l-aspetti finanzjarji ta’ ħidmiethom;

11.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi promoss il-proċess biex jinstabu sorsi ġodda ta’ finanzjament għall-SMEs u li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal metodi ta’ finanzjament tradizzjonali għall-akbar firxa ta’ SMEs li joperaw f’reġjuni differenti tal-UE;

12.

jappoġġja s-sejħa għal reviżjoni tad-definizzjoni ta’ “SMEs” li tintuża bħalissa fil-livell tal-UE sabiex jitqies il-fatt li l-intrapriżi ta’ daqs medju (“midcaps”, b’sa 500 impjegat) huma strutturalment komparabbli ħafna mal-SMEs (< 250 impjegat u fatturat annwali ta’ ≤ EUR 50 miljun jew karta tal-bilanċ ta’ ≤ EUR 43 miljun) u madankollu ma jingħatawx trattament preferenzjali meta mqabbel ma’ intrapriżi kbar;

13.

jiġbed l-attenzjoni għall-idea importanti ewlenija ta’ punt uniku ta’ servizz għall-SMEs u, għal dan il-għan, jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkonsolidati n-netwerks ta’ appoġġ tal-SMEs fuq skala Ewropea; jipproponi l-użu tal-Enterprise Europe Network (EEN) eżistenti. Permezz tal-ġbir flimkien ta’ forom differenti ta’ appoġġ għall-SMEs f’netwerk wieħed u permezz tal-kooperazzjoni tiegħu man-Netwerk tar-Rappreżentanti tal-SMEs, is-sinerġiji mistennija mill-SMEs u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jinkisbu;

Aktar żvilupp tal-SMEs – riskji u sfidi

14.

jinnota li l-SMEs fl-Unjoni Ewropea qed jiffaċċjaw sfidi li jirriżultaw, fost affarijiet oħra, minn fatturi bħal kompetizzjoni globali dejjem tikber, il-ħolqien ta’ mudelli ta’ negozju ġodda, id-diġitalizzazzjoni u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, kemm fl-industrija kif ukoll fis-servizzi, l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari u l-ekonomija kollaborattiva, u żvilupp sostenibbli kontinwu;

15.

jenfasizza l-importanza li tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni ta’ gruppi ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju speċjalizzati (raggruppamenti). Jitlob li jkun hemm żvilupp kontinwu tal-istrumenti eżistenti tal-UE f’dan il-qasam, bħall-Portal tar-Raggruppamenti tal-UE, l-Osservatorju Ewropew għall-Clusters u l-Inizjattiva Ewropea dwar l-Eċċellenza tar-Raggruppamenti;

16.

jikkonferma r-rwol dejjem jikber tar-responsabbiltà soċjali korporattiva fis-soċjetà u fl-ambjent;

17.

jinnota d-differenzi bejn l-SMEs u kumpaniji akbar f’termini ta’ veloċità u intensità tat-tkabbir tagħhom, li, minħabba l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni anqas żviluppati, iwasslu għall-polarizzazzjoni ekonomika tar-reġjuni tal-UE;

18.

jenfasizza li ż-żieda u l-kumplessità tar-regoli amministrattivi jaffettwaw il-potenzjal ta’ tkabbir tal-SMEs, b’mod partikolari tal-mikrointrapriżi, li m’għandhomx il-kapaċità amministrattiva u finanzjarja adatta biex jegħlbu dawn l-ostakli, għalhekk jitlob li titnaqqas il-kumplessità amministrattiva għan-negozji fl-UE, b’mod partikolari għal operazzjonijiet transfruntiera;

19.

jinnota li minħabba l-għadd dejjem jikber ta’ soluzzjonijiet innovattivi fis-suq, flimkien mad-disponibbiltà finanzjarja limitata tagħhom għall-SMEs, jinħtieġ approċċ ġdid li jitlob il-ħolqien u l-iżvilupp tal-hekk imsejħa “innovazzjonijiet miftuħa”;

20.

jilqa’, filwaqt li jenfasizza li l-Orizzont u l-COSME se jiksbu importanza għall-SMEs, li l-FEŻR se jibqa’ l-aktar sors importanti ta’ finanzjament għall-politiki lokali u reġjonali li jappoġġjaw lill-SMEs fil-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid 2021-2027, u b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-finanzi, l-appoġġ għar-R&Ż u l-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet kif ukoll l-aċċess għas-swieq u l-internazzjonalizzazzjoni. Itenni madankollu l-oġġezzjoni tiegħu għall-proposta li l-konċentrazzjoni tematika tal-FEŻR tkun tiffoka fuq il-livell nazzjonali peress li mekkaniżmu ta’ allokazzjoni ċentralizzat imur kontra approċċ ibbażat fuq il-post u l-prinċipju ta’ governanza f’diversi livelli, li huma kruċjali għal appoġġ effiċjenti u effettiv għall-SMEs;

21.

jiġbed l-attenzjoni għad-differenzi bejn il-politiki settorjali tal-UE, inkluż fil-qasam tal-akkwist pubbliku, il-liġi dwar il-falliment u l-ħarsien tal-ambjent, kif ukoll differenzi fl-appoġġ għar-raggruppamenti u l-approċċ għall-kompetittività. Dan kollu għandu impatt sinifikanti fuq l-SMEs u l-iżvilupp ulterjuri tagħhom;

22.

jinnota li s-suq intern huwa kisba għall-UE iżda jirrikjedi wkoll aktar titjib inkluż, pereżempju, it-tneħħija tal-ostakli għall-moviment ħieles ta’ oġġetti u servizzi, li hija waħda mill-kawżi tad-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs meta jkabbru l-attività ta’ negozju tagħhom u jisfruttaw l-internazzjonalizzazzjoni;

23.

jiġbed l-attenzjoni għall-bidliet ekonomiċi li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni, li timxi id f’id ma’ nefqa finanzjarja akbar għall-SMEs biex jakkwistaw u/jew jiżviluppaw it-teknoloġija u l-għarfien espert;

24.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa għodod biex tappoġġja d-diġitalizzazzjoni tal-SMEs fir-reġjuni tal-UE, filwaqt li tibni fuq il-kisbiet ta’ inizjattivi eżistenti bħal Digital Cities Challenge;

25.

jemmen li d-diġitalizzazzjoni hija opportunità biex il-prodotti u s-servizzi tal-SMEs jitqiegħdu f’suq usa’, pan-Ewropew u mhux Ewropew, u b’hekk il-kummerċ transkonfinali jkun jista’ jikber;

26.

jenfasizza li l-isfida għall-UE hija li tiżgura tkabbir kontinwu fil-produttività u l-kompetittività (inkluża l-kosteffiċjenza) fi ktajjen ta’ valur industrijali, filwaqt li tibqa’ ssegwi miri ambjentali ambizzjużi;

L-aspettattivi tal-SMEs għal politiki futuri ta’ tkabbir u żvilupp

27.

jenfasizza l-benefiċċji potenzjali tal-investiment tal-UE fl-integrazzjoni ta’ ekosistemi intraprenditorjali reġjonali għall-SMEs u l-intraprendituri, u fl-istess ħin jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli għaddejja bil-proġett li qed jiġi implimentat b’kooperazzjoni mar-Reġjuni Intraprenditorjali Ewropej (EER) u li jgħaqqad is-“Silicon Valleys” tal-Ewropa;

28.

jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom ħafna SMEs biex jiksbu u jżommu impjegati tas-sengħa. L-SMEs jiffaċċjaw kompetizzjoni qawwija għal forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati minn kumpaniji kbar li għandhom riżorsi akbar għad-dispożizzjoni tagħhom u huma kapaċi joffru pagi ogħla. Dan minkejja l-fatt li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha tal-UE;

29.

jinnota li r-rappreżentanti tal-SMEs, inklużi l-entitajiet li jappoġġjaw u jġibu flimkien l-SMEs, għandhom ikunu jistgħu jaqdu rwol iktar attiv fit-tfassil u l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE direttament relevanti għal din il-kategorija ta’ intraprendituri;

30.

jistenna li r-rappreżentanti reġjonali jkunu involuti fil-ġestjoni tal-politika tal-UE dwar l-SMEs u biex dawn jikkooperaw aktar mill-qrib mar-rappreżentanti tal-SMEs;

31.

jinnota li l-politika industrijali tal-UE għandha tiffoka fuq l-innovazzjoni fis-sens l-aktar wiesa’, it-teknoloġiji abilitanti essenzjali, proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEI), id-diġitalizzazzjoni u l-SMEs;

32.

jappoġġja l-pjan tal-Kummissjoni Ewropea li tissemplifika l-proċeduri amministrattivi għall-ksib ta’ finanzjament u rappurtar li huma partikolarment ta’ piż għall-intrapriżi mikro u żgħar b’riżorsi umani limitati. Proposti bħal opzjonijiet tal-kost issemplifikati (tariffi unitarji, somom f’daqqa u kostijiet unitarji) se jiffaċilitaw it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-baġits tal-proġetti, li se jżidu s-sehem tal-SMEs li jirċievu appoġġ;

33.

jappoġġja approċċ orjentat l-ewwel lejn il-livell lokali u reġjonali, imbagħad lejn dak nazzjonali u internazzjonali. Jekk jiġu ttestjati ideat fuq skala iżgħar u jitħeġġew l-innovazzjonijiet inkrementali, jistgħu jiġu żviluppati soluzzjonijiet teknoloġikament ġodda aktar malajr u jiġu implimentati f’qafas finanzjarju disponibbli għall-SMEs;

34.

jinnota li l-qafas propost għal regoli komuni għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għandu jkun flessibbli sabiex il-programmi operattivi f’reġjuni li jeħtieġu dan jiġu mmirati lejn l-SMEs u l-mikrointrapriżi;

35.

jitlob li jiġu żviluppati programmi li jippromovu l-potenzjal tal-SMEs, pereżempju fl-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi, miżuri ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni, jew il-possibilità u l-ħtieġa li jinħolqu strateġiji ta’ tkabbir u ppjanar fit-tul;

36.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza dejjem akbar tal-integrazzjoni ta’ raggruppamenti – speċjalment il-Pjattaformi ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, fejn l-awtoritajiet lokali jaqdu rwol ċentrali fil-ħolqien ta’ ktajjen tal-valur integrati fil-livell Ewropew, billi jappoġġjaw lill-SMEs fit-tkabbir internazzjonali tagħhom;

37.

jistenna li d-dimensjoni reġjonali u lokali qawwija tal-entitajiet EEN se tinżamm u li dawn ikunu jistgħu jwettqu kompiti ġodda fil-futur;

38.

jinnota l-ħtieġa li titwessa’ l-firxa ta’ servizzi offruti mill-EEN, inklużi l-espansjoni tal-attivitajiet tal-SMEs, informazzjoni dwar regolamenti nazzjonali u Ewropej, opportunitajiet ta’ finanzjament f’diversi Stati Membri tal-UE, il-bini ta’ sħubijiet ma’ operaturi oħra fis-settur jew operaturi fil-proċess tal-produzzjoni, eċċ.;

39.

jinnota l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-rappreżentanza reġjonali tal-SMEs, li, pereżempju, fil-qafas ta’ pjattaformi simili għall-Pjattaforma REFIT, jistgħu jipparteċipaw b’mod regolari fid-diskussjonijiet dwar il-bidliet leġislattivi proposti kif ukoll fil-proċess ta’ monitoraġġ, kontroll u valutazzjoni tal-impatt ta’ dawn il-bidliet fuq l-SMEs;

40.

jenfasizza l-importanza tad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament għall-SMEs. It-tneħħija ta’ diskrepanzi eżistenti fil-finanzjament għal setturi jew tipi speċifiċi ta’ kumpaniji għandha tkun waħda mill-prijoritajiet;

41.

jilqa’ l-ftehimiet milħuqa dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali f’termini ta’ faċilitar tal-aċċess tal-SMEs għas-swieq pubbliċi, l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jiġu ssemplifikati u jitnaqqsu l-ispejjeż u l-piż regolatorju;

42.

jilqa’ l-inizjattivi mnedija minn xi Stati Membri biex jissaħħaħ l-involviment tal-SMEs fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku;

43.

ifakkar fl-aspett tal-aċċess tal-SMEs għall-akkwist pubbliku, filwaqt li jirrikonoxxi li din il-kategorija ta’ intrapriżi ġiet ikkunsidrata fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku; huwa favur aktar miżuri ta’ appoġġ għall-SMEs;

44.

jenfasizza li l-ħlasijiet tard, in-nuqqas ta’ għarfien tal-SMEs dwar aspetti ewlenin tal-akkwist pubbliku u l-ispejjeż potenzjali għoljin tal-azzjoni legali jibqgħu l-ostakli ewlenin biex jiżdied l-involviment tagħhom f’dan il-qasam u tinħataf l-opportunità li jikbru fuq skala kbira;

Kummenti tal-għeluq

45.

jinnota li, minħabba l-flessibilità strutturali kbira tagħhom u l-profil tal-produzzjoni, l-SMEs huma kapaċi jirreaġixxu malajr għall-bidliet dinamiċi fis-soċjetà u fl-ekonomija. Madankollu, il-mezzi finanzjarji meħtieġa biex isiru tali aġġustamenti huma ta’ ostaklu. Għalhekk, il-proposti ulterjuri għal miżuri ta’ appoġġ f’dan il-qasam għandhom jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-SMEs;

46.

jenfasizza li l-SMEs huma parti interessata importanti fl-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari, minħabba l-impatt tagħhom fuq is-suq tax-xogħol, iżda wkoll fuq il-konsumaturi. Dan għandu jkun rifless f’vantaġġi fiskali jew f’aċċess għall-fondi Ewropej;

47.

jemmen li l-esperjenza tas-Small Business Act u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 għandhom jiġu sfruttati mill-Kummissjoni Ewropea. L-għan huwa li jiġu ottimizzati u ssemplifikati, iżda mhux li jiġu introdotti bidliet radikali jew li jiġu abbandunati l-kisbiet li saru s’issa fit-tfittxija għal soluzzjonijiet kompletament ġodda;

48.

jirrimarka li l-għadd ta’ inizjattivi li japprofondixxu l-kooperazzjoni interreġjonali u transkonfinali għadu mhux adegwat;

49.

itenni t-talba tiegħu għal strateġija orizzontali ġdida, li għandha tenfasizza aktar l-innovazzjoni, b’mod partikolari dik radikali u dik inkrementali, u għandha tippromovi teknoloġiji abilitanti essenzjali u proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (inkluż fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni u l-SMEs);

50.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ssib soluzzjonijiet biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku, pereżempju permezz ta’ bonus għall-oriġini lokali/reġjonali tagħhom, peress li l-innovazzjonijiet attwali mhumiex biżżejjed;

51.

jirrimarka li minkejja l-miżuri komprensivi u varjati li għandhom jintlaqgħu mill-Kummissjoni Ewropea, l-appoġġ għall-SMEs mhux se jkun effettiv madwar l-UE jekk xi Stati Membri għandhom it-tendenza li jadottaw regoli nazzjonali kkumplikati;

52.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jaqdu rwol importanti fit-tfassil ta’ ambjent li jiffavorixxi n-negozju u għandu jkollhom strumenti biex jadattaw il-politiki għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu tal-SMEs; huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti iktar mill-qrib fil-proċess tat-tfassil tal-politika industrijali futura tal-UE, inkluż appoġġ għall-SMEs;

53.

jikkondividi l-fehma tal-Parlament Ewropew li tintalab żieda fil-baġit ġenerali għall-Programm tas-Suq Uniku tal-UE 2021-2027 sabiex tissaħħaħ il-kompetittività internazzjonali tal-SMEs, jinfetħu swieq barra l-UE u tintuża l-innovazzjoni;

54.

huwa konvint li l-fatt li l-istrumenti finanzjarji kollha disponibbli għall-SMEs fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid se jiġu integrati fil-Programm InvestEUse jwassal għas-semplifikazzjoni mistennija tal-proċeduri;

55.

jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforz tagħhom biex itejbu l-funzjonament tas-Suq Uniku biex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tiegħu;

56.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew biex jiżviluppaw strumenti u mekkaniżmi li jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għal SMEs Ewropej, kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq dak globali, inkluż għal teknoloġiji ta’ importanza strateġika għall-Ewropa.

Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  https://cor.europa.eu/en/engage/studies/Documents/EU-SMEs/EU-policy-SMEs.pdf (mhux disponibbli bil-Malti)

(2)  Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Spinta lin-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu fl-Ewropa: perspettiva reġjonali u lokali, ECON-VI/021, relatur: Tadeusz Truskolaski, COR-2017-00032-00-01, Lulju 2017.


5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/43


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Rapport ta’ implimentazzjoni dwar l-akkwist pubbliku

(2020/C 39/09)

Relatur

:

Thomas HABERMANN (DE/PPE), Kap tal-Kusill tad-Distrett ta’ Rhön-Grabfeld

I.   KUMMENTI ĠENERALI

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jenfasizza li din l-Opinjoni hija segwitu għall-impenn tal-KtR, fil-kuntest tat-Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u biex “Nagħmlu anqas b’aktar effiċjenza” u l-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar sabiex jingħata feedback dwar l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE fil-livell lokali u reġjonali. Għalhekk, flimkien mal-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR), il-KtR wettaq stħarriġ konġunt madwar l-UE kollha biex jivvaluta l-implimentazzjoni tal-qafas legali dwar l-akkwist pubbliku mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u kkummissjona studju dwar dan is-suġġett; il-KtR jenfasizza l-fatt li minħabba l-livelli differenti ħafna tal-parteċipazzjoni fi Stati Membri differenti, ir-riżultati tal-istħarriġ ma jistgħux jipproduċu valur rappreżentattiv fil-livell tal-UE, iżda jistgħu juru biss xejriet;barra minn hekk, jiġbed l-attenzjoni għar-rapport ippubblikat f’Lulju 2019 dwar l-ewwel konsultazzjoni tan-Netwerk ta’ Ċentri Reġjonali tal-KtR (RegHub) (1), li essenzjalment jikkonferma r-riżultati tal-istħarriġ tal-KtR u tas-CEMR;

2.

jinnota li r-riforma komprensiva tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku li saret fl-2014, ġiet trasposta fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri parzjalment fl-2016 u parzjalment fi stadju ferm aktar tard; għalhekk, b’perjodu massimu ta’ tliet snin mid-dħul fis-seħħ tal-liġi nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku b’effett dirett, jeżisti biss għarfien limitat dwar l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni l-ġdida;

3.

jirrimarka li kemm il-prattika amministrattiva kif ukoll l-operaturi ekonomiċi għadhom kemm ġew adattati għas-sistema l-ġdida tal-akkwist pubbliku, u f’xi każijiet għadhom fil-proċess ta’ aġġustament; jenfasizza, bl-istess mod, li f’ħafna postijiet, dawn l-aġġustamenti jinvolvu piż mhux konsiderevoli f’termini ta’ taħriġ u pariri, f’xi każijiet minn konsulenti legali esterni; f’dawn iċ-ċirkostanzi, jemmen bis-sħiħ li ma jkunx xieraq li jiddaħħlu rekwiżiti leġiżlattivi ġodda fil-ftit snin li ġejjin;

4.

jikkjarifika li din l-Opinjoni għalhekk ma tiffukax fuq ir-riformi leġislattivi l-ġodda, iżda tindirizza d-diffikultajiet attwali li jiffaċċjaw l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell lokali u reġjonali fir-rigward tal-qafas regolatorju; din tindirizza wkoll xi kwistjonijiet li ġew ippreżentati reċentement mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni mhux leġislattiva tagħha, ta’ Ottubru 2017, dwar akkwist pubbliku aktar effiċjenti, sostenibbli u professjonali (2);

5.

jappoġġja l-għan u l-elementi prinċipali tad-direttivi, b’mod partikolari l-akkwist elettroniku u l-faċilitazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-SMEs, il-kunċetti l-ġodda dwar akkwist intern (in-house) u kooperazzjoni bejn il-muniċipalitajiet, il-possibbilità li l-awtoritajiet jużaw kriterji strateġiċi għall-akkwist pubbliku bħala parti mill-proċessi tat-tfassil tal-politika tagħhom, u l-promozzjoni tat-trasparenza u l-integrità;

6.

jenfasizza li, kif urew ir-riżultati tal-istħarriġ (3), l-akkwist transfruntier ma rriżultax f’valur miżjud għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Minkejja l-proċeduri regolari ta’ sejħiet għall-offerti madwar l-UE kollha, li huma għaljin u jieħdu ħafna ħin, ma jsir ebda għoti ta’ kuntratti transfruntiera, jew inkella ftit li xejn jintrebħu; ir-raġuni hija preżumibbilment li l-pjattaformi elettroniċi huma differenti f’kull pajjiż u b’hekk jaġixxu bħala ostakolu għall-kumpaniji u l-awtoritajiet fil-pajjiżi ġirien li jieħdu sehem: imfassla u implimentati fi ħdan l-Istati nazzjonali, ħafna drabi l-pjattaformi ma jipprovdux għall-possibbiltà li jintużaw lingwi differenti jew biex jiġu inklużi rekwiżiti amministrattivi ta’ Stati oħra minbarra dak li fih tkun tinsab l-awtorità kontraenti;

7.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt (4) li l-applikazzjoni legali korretta tal-qafas legali għall-akkwist pubbliku issa saret għan bħala tali, aktar milli titqies bħala strument biex jitwettqu x-xogħlijiet u jiġu fornuti l-provvisti jew is-servizzi;

8.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ċċarat taħt liema ċirkostanzi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jippromovu wkoll it-tkabbir ekonomiku lokali u l-istrutturi lokali fid-dawl tal-kunċett tas-sostenibbiltà u r-rendiment ambjentali pożittiv billi jintużaw ktajjen tal-provvista qosra (eż. l-inizjattiva “Holz von hier”) (Injam minn hawn) b’rabta mal-prinċipju msejjaħ “buy local” (ixtri lokalment);

9.

jenfasizza li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterji ekoloġiċi, soċjali jew innovattivi fit-twassil tas-servizzi pubbliċi, li sar possibbli permezz tar-riforma tal-2014, irid jitħalla kompletament fid-diskrezzjoni tal-awtorità lokali skont il-prinċipju tal-awtonomija lokali; iqis li kwalunkwe impenn futur fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ objettivi strateġiċi tal-akkwist pubbliku għandu jiġi miċħud b’mod ċar f’kull proċedura għall-għoti ta’ kuntratti sabiex jiġi evitat li jkun hemm ammont eċċessiv bla bżonn tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku; jirrimarka li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ objettivi strateġiċi tal-akkwist pubbliku f’bosta proċessi tal-akkwist pubbliku lanqas ma jista’ jkun effettiv, pereżempju fir-rigward ta’ akkwisti standard ta’ prodotti;

10.

jenfasizza li ż-żieda fl-għadd ta’ għanijiet ta’ politika jżidu kemm is-suxxettibbiltà għall-iżbalji kif ukoll ir-riskju ta’ kunflitt bejn dawn l-għanijiet; jenfasizza li l-objettivi tal-akkwist pubbliku jistgħu jintlaħqu biss sa ċertu punt u bil-kundizzjoni li ma jiddgħajjifx l-objettiv primarju li ċ-ċittadini jiġu pprovduti bi prodotti u servizzi tajbin u bi prezz raġonevoli;

11.

jenfasizza wkoll li d-dritt tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jipprovdu u jorganizzaw is-servizzi tagħhom stess permezz tal-istituzzjonijiet, il-korpi pubbliċi jew l-impriżi pubbliċi tagħhom stess kien rikonoxxut b’mod ċar fir-riforma tal-2014, kif ġew rikonoxxuti wkoll il-kunċett tal-akkwist intern u l-kooperazzjoni intermuniċipali. L-għoti ta’ kuntratti lil partijiet terzi huwa biss waħda mid-diversi alternattivi għall-forniment tas-servizzi pubbliċi (5). Fl-aħħar nett, il-KtR jenfasizza d-dritt tal-awtoritajiet kontraenti li jerġgħu jimmuniċipalizzaw il-kuntratti mogħtija lil partijiet terzi;

12.

jara żieda fil-livelli limitu għal kuntratti pubbliċi li għandhom jinħarġu biex issir offerta madwar l-Ewropa bħala għan xieraq sabiex tiġi ppreservata r-relazzjoni tat-trasparenza minn naħa u l-piżijiet amministrattivi fuq l-awtoritajiet u l-SMEs min-naħa l-oħra; jistieden lill-Kummissjoni biex, fuq perjodu ta’ żmien twil, taħdem favur żieda sinifikanti tal-livelli limitu fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi fil-livell tad-WTO.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Akkwist pubbliku strateġiku

13.

iqis li l-possibbiltà għall-entitajiet kontraenti, introdotta fid-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku tal-2014, biex ikunu jistgħu jqisu l-objettivi strateġiċi tal-akkwist pubbliku tista’, f’każijiet individwali, tirriżulta f’“akkwist pubbliku aħjar” mill-perspettiva tal-entitajiet kontraenti;

14.

jirrimarka, madankollu, li l-piż amministrattiv li jirriżulta fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali jrid ikun proporzjonali għall-benefiċċji li jista’ jipprovdi l-akkwist pubbliku fl-interessi taċ-ċittadini. L-akkwist pubbliku mhuwiex primarjament maħsub biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika rigward, pereżempju, is-sostenibbiltà ambjentali, l-inklużjoni soċjali jew l-innovazzjoni, jew għal aktar żvilupp soċjopolitiku speċifiku. Madankollu, dan qed jintuża dejjem aktar bħala mezz biex jitmexxew u jintlaħqu għanijiet ta’ politika oħrajn. Madankollu, l-għan u l-iskop tal-akkwist pubbliku m’għandhomx jintesew: l-aħjar valur possibbli għall-flus għandu jiġi ddeterminat skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika;

15.

jirrimarka li, kif urew ir-riżultati tal-istħarriġ tal-KtR/tas-CEMR, teżisti sensibilizzazzjoni fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-possibbiltà li jintużaw kriterji ekoloġiċi, soċjali u innovattivi tal-akkwist pubbliku. Huwa rrapportat li dawn qed jintużaw b’xi ftit kawtela, minn naħa waħda, minħabba li m’hemmx bżonnhom, u min-naħa l-oħra, minħabba li s-suxxettibilità akbar għall-iżbalji żżid il-probabbiltà ta’ proċeduri tal-appell; b’mod partikolari l-awtoritajiet lokali u reġjonali jilmentaw dwar l-iskarsezza tal-ħiliet professjonali meħtieġa biex jagħtu spinta lil dan it-tip ta’ akkwist;

16.

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, minkejja li jistgħu jagħtu kuntratti abbażi ta’ kriterji kwalitattivi differenti, ta’ spiss jippreferu l-orħos prezz minħabba li, fil-fehma tagħhom, dan jiġġustifika l-aktar użu xieraq tal-fondi pubbliċi minbarra li huwa kriterju ħafif biex tapplikah;

17.

jirreferi għall-kritika li saret mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni (6) tagħha, li 55 % tal-proċeduri ta’ akkwist għadhom jużaw l-inqas prezz bħala l-uniku kriterju tal-għoti; jikkjarifika li l-objettivi strateġiċi setgħu ġew ikkunsidrati fil-proċeduri ta’ akkwist inkwistjoni, peress li, pereżempju, ħafna drabi huwa wkoll effettiv li jiġu inklużi kriterji ambjentali u tal-effiċjenza enerġetika fl-ispeċifikazzjonijiet, u li konsegwentement, il-kuntratti jingħataw b’mod konsistenti abbażi tal-iktar prezz baxx;

18.

jenfasizza l-fatt li, skont ir-riżultati tal-istħarriġ, il-ħtieġa għal kriterji strateġiċi għall-għoti tvarja ħafna. B’hekk, l-awtoritajiet kontraenti fil-biċċa l-kbira ma jaraw l-ebda ħtieġa għal akkwist li jippromovi l-innovazzjoni, filwaqt li għandhom fehmiet imħallta dwar l-akkwist soċjali, u huma l-aktar favur l-akkwist orjentat lejn l-ambjent; jinnota li l-applikazzjoni tal-kriterji kollha toħloq diffikultajiet minħabba l-kumplessità tal-qafas legali, id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-kuntratti u, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-ekwivalenza taċ-ċertifikati u tat-tikketti nazzjonali li huma maħsuba biex jiġġustifikaw l-issodisfar tal-kriterji (7);

19.

jenfasizza l-fatt li l-użu ta’ akkwist pubbliku innovattiv, inklużi s-sħubiji għall-innovazzjoni jew l-akkwist pubbliku prekummerċjali, sa issa kien limitat għal ftit awtoritajiet lokali u reġjonali f’xi Stati Membri. Ir-raġunijiet ewlenin għal dan jinkludu l-fatt li ftit li xejn issir enfasi fuq il-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp, jiġu akkwistati prodotti standard, jew minħabba li jeżistu restrizzjonijiet baġitarji. L-inizjattiva tal-Kummissjoni “Big Buyers” (Klijenti Kbar) tista’ tkun strument biex jiġi promoss l-akkwist pubbliku innovattiv. Il-KtR jenfasizza, madankollu, li forom raggruppati ta’ akkwist pubbliku u gruppi tal-akkwisti ta’ spiss ikunu ta’ benefiċċju għall-awtoritajiet lokali, speċjalment dawk iżgħar, u jgħinuhom jiksbu l-effiċjenza;

L-aċċess tal-SMEs għas-swieq tal-akkwist pubbliku

20.

ifakkar li l-promozzjoni tal-SMEs kienet waħda mill-ħames prijoritajiet fir-riforma tal-akkwist pubbliku li saret fl-2014; jirrimarka li l-SMEs u n-negozji l-ġodda għadhom qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jissodisfaw il-kriterji tal-kompetenzi ekonomiċi jew tekniċi. Barra minn hekk, għad hemm bosta ostakoli ewlenin, fosthom il-ħlasijiet tardivi, in-nuqqas ta’ għarfien dwar aspetti ewlenin tal-akkwist min-naħa tal-SMEs, kif ukoll spejjeż potenzjali għoljin relatati mal-proċeduri tal-appell;

21.

jirrimarka li l-miżuri li ttieħdu s’issa biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs ma wasslux għat-titjib mistenni, kif juri l-istħarriġ tal-KtR/tas-CEMR;

22.

jenfasizza li l-objettivi tal-akkwist strateġiku ħafna drabi joħolqu ostaklu sinifikanti għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ akkwist speċifikament għall-SMEs meta mqabbla ma’ kumpaniji kbar organizzati b’mod professjonali, peress li ħafna drabi l-SMEs ma jkollhomx ir-riżorsi meħtieġa biex jissodisfaw il-kriterji strateġiċi tal-akkwist; jenfasizza li t-tisħiħ tal-akkwist strateġiku potenzjalment jinsab f’kunflitt mal-għan xieraq, u ta’ min ifaħħru, tal-promozzjoni u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għall-SMEs;

23.

jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa li tiġi riveduta d-definizzjoni attwali tal-SMEs fil-livell tal-UE (8); jispjega li fid-definizzjoni attwali, il-kumpaniji ta’ daqs medju (l-hekk imsejħa mid-caps b’mhux aktar minn 500 impjegat) jistgħu jiġu mqabbla fl-istrutturi tagħhom mal-SMEs (anqas minn 250 impjegat u fatturat annwali ta’ anqas minn EUR 50 miljun jew karta bilanċjali totali ta’ anqas minn EUR 43 miljun) iżda xorta ma jibbenefikaw mill-ebda privileġġ meta mqabbla ma’ kumpaniji kbar; jenfasizza, fil-kuntest tat-tendenza tal-protezzjoniżmu li dejjem qed tiżdied fis-swieq ewlenin, l-importanza li l-UE tkun f’pożizzjoni kostruttiva u miftuħa fid-dawl tal-kompetizzjoni globali għall-benefiċċju tal-ekonomija domestika Ewropea, filwaqt li tqis l-SMEs bħala fattur ekonomiku ewlieni, speċjalment fiż-żoni rurali;

24.

jirrimarka li r-reġim il-ġdid għas-servizzi soċjali u servizzi speċjali oħra joħloq diffikultajiet għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; jinnota li l-problemi li jiġu ffaċċjati huma marbuta, fost affarijiet oħra, man-natura partikolari ta’ dawn is-servizzi u mal-kuntest partikolari li fih jiġu pprovduti; jikkritika l-fatt li r-rekwiżiti tas-sejħiet għall-offerti issa japplikaw minn ċertu limitu (EUR 750 000), għalkemm ir-raġunijiet għan-nuqqas tar-rilevanza tas-suq intern fil-qasam ta’ dan it-tip ta’ servizz għadhom validi; jirrimarka li xi wħud minn dawn ir-regoli mhumiex adattati għas-sistemi nazzjonali tal-Istati Membri. F’każijiet fejn is-settur pubbliku ma jiħux deċiżjoni selettiva dwar l-għażla meta l-fornituri tas-servizzi joperaw taħt proċeduri ta’ awtorizzazzjoni sempliċi jew l-hekk imsejħa mudelli “Open House”, il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħetha li d-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku ma tapplikax (9). Madankollu, ir-regoli tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku mhux dejjem jaqblu sew mas-sistemi nazzjonali tal-Istati Membri u fil-prattika jistgħu jwasslu għal piżijiet amministrattivi sproporzjonati għall-awtoritajiet lokali u reġjonali (10). Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim mhuwiex identifikat b’mod ċar mir-referenzi għall-kodiċijiet CPV (Vokabularju Komuni tal-Akkwist) b’kontenut vag inkluż fl-Anness XIV;

25.

huwa tal-fehma li l-akkwist f’lottijiet huwa ta’ benefiċċju b’mod partikolari għall-SMEs u għall-kumpaniji ta’ daqs medju, u għaldaqstant approċċ tajjeb; jirrimarka, madankollu, li intrapriżi bi prestazzjoni baxxa u lottijiet żgħar wisq, jistgħu jżidu l-piż amministrattiv u ta’ koordinazzjoni fuq l-entitajiet kontraenti;

Ix-xiri transfruntier tal-oġġetti u s-servizzi

26.

jinnota li s-sehem totali tal-akkwist pubbliku transfruntier naqas minn 5,95 % fl-2013 għal 3,4 % fl-2017 (11);

27.

jenfasizza li l-kunċett ta’ akkwist pubbliku għandu jiġi interpretat b’mod funzjonali, iżda li, anke jekk jitqies b’mod funzjonali, tipi differenti ta’ servizzi ta’ ppjanar ma jistgħux jiġu miżjuda meta jiġi kkalkulat il-valur tal-kuntratt, iżda jistgħu minflok jiġu trattati bħala kuntratti separati; jispjega li dan huwa partikolarment importanti għall-protezzjoni u parteċipazzjoni akbar tal-SMEs fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku;

28.

jistieden lill-Kummissjoni tadotta linji gwida aktar komprensivi dwar il-proċeduri elettroniċi tal-akkwist pubbliku sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku elettroniku;

29.

jinnota li l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku (Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12)) tirrifletti l-importanza kbira tal-organizzazzjonijiet umanitarji mingħajr skop ta’ qligħ, li jistgħu jiżviluppaw b’mod partikolari fil-qafas ta’ operazzjonijiet ta’ protezzjoni ċivili permezz ta’ ħidma tal-volontarjat; huwa tal-fehma li l-Istati Membri jistgħu espliċitament jiddikjaraw fil-liġi nazzjonali tagħhom liema organizzazzjonijiet huma kkunsidrati bħala organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ jekk il-liġi nazzjonali tiżgura li dawn l-organizzazzjonijiet jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti mill-QĠUE (13);

30.

jenfasizza li 70 % ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ tal-KtR/CEMR jiddikjaraw li x-xiri transfruntier ma jġib l-ebda valur miżjud, minħabba nuqqas ta’ sejħiet għall-offerti minn Stati Membri oħra, u 24 % biss jgħidu li dan jippromovi l-kompetizzjoni u joffri għażliet aħjar; jiġbed l-attenzjoni għas-sejbiet tar-rapport tar-RegHub li xi setturi, b’mod partikolari fil-qasam soċjali, m’għandhomx dimensjoni transfruntiera u għaldaqstant hemm nuqqas tar-rilevanza meħtieġa tas-suq intern;

31.

jaqbel fil-prinċipju mal-objettiv tal-Kummissjoni li l-għadd ta’ proċeduri ta’ akkwist transfruntier għandu jiżdied; jirrimarka li r-raġunijiet għal-livell baxx ta’ akkwist transfruntier jinkludu, fost l-oħrajn, il-multilingwiżmu tad-dokumenti tal-akkwist pubbliku, li jieħu ħafna ħin u jirrikjedi ħafna riżorsi u inevitabbilment iżid l-ispejjeż kif ukoll l-interpretazzjoni differenti tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku mill-Istati Membri;

32.

jirrimarka li raġuni ewlenija oħra tista’ tkun l-istandards u d-dispożizzjonijiet legali differenti li japplikaw l-Istati Membri, pereżempju fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol jew tal-industrija tal-bini; dawn jimpedixxu offerenti potenzjali barranin, u b’mod partikolari SMEs, li ta’ spiss ma jkollhomx ir-riżorsi fattwali u legali meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ Stati Membri oħra fir-rigward tas-sottomissjoni tal-offerti;

33.

jirrimarka li huwa komuni ħafna li l-kumpaniji jiffurmaw kumpaniji sussidjarji fi Stati Membri oħra sabiex ikunu qrib is-swieq lokali. Ta’ sikwit, huma dawn il-kumpaniji sussidjarji u mhux dawk prinċipali li jissottomettu offerti fi proċeduri lokali u reġjonali ta’ akkwist. Dawn it-tranżazzjonijiet mhumiex inklużi fl-istatistika dwar l-akkwist transkfruntier;

34.

jenfasizza fl-aħħar nett u b’mod partikolari d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-offerenti biex jittrattaw ir-rekwiżiti nazzjonali differenti fir-rigward taċ-ċertifikati u l-firem elettroniċi bejn il-fruntieri;għalhekk il-ħtieġa li jiġu previsti linji gwida komuni għat-tħejjija ta’ sistemi regolatorji u tal-IT komuni u għall-istabbiliment ta’ pjattaformi elettroniċi li jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ entitajiet u impriżi stabbiliti fil-pajjiżi tal-fruntiera differenti;

Miżuri għat-titjib tal-implimentazzjoni

35.

jirrimarka li l-hekk imsejħa professjonalizzazzjoni mitluba mill-Kummissjoni, jiġifieri t-taħriġ tal-persunal amministrattiv, taqa’ kompletament taħt is-sovranità organizzattiva tal-Istati Membri u b’mod partikolari tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; jibża’, barra minn hekk, li ammont akbar ta’ linji gwida u manwali tal-Kummissjoni dwar il-professjonalizzazzjoni tal-awtoritajiet kontraenti (bħal pereżempju l-Qafas Ewropew estensiv għall-Professjonalizzazzjoni – EPF li qed jiġi abbozzat bħalissa) iwassal għal piż amministrattiv akbar fuq l-entitajiet kontraenti flimkien mal-qafas regolatorju diġà estensiv;

36.

jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni finali tas-26 ta’ Ottubru 2018 mis-Sħubija dwar l-Akkwist Pubbliku Innovattiv u Responsabbli fi ħdan l-Aġenda Urbana (14) u jappoġġja b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-livell tal-UE biex jiġi kkunsidrat il-finanzjament tal-UE għall-akkwist konġunt transkonfinali, l-akkwist tal-innovazzjoni, l-akkwist strateġiku b’mod partikolari l-akkwist soċjali (jiġifieri l-użu ta’ klawżoli soċjali u kriterji tal-għoti fi proċessi ta’ sejħiet għall-offerti u kuntratti) u l-akkwist ċirkolari, lill-Istati Membri biex jinvestu fil-bini tal-kapaċità dwar l-Akkwist Pubbliku Innovattiv u Responsabbli u kemm lill-livell tal-Istati Membri kif ukoll tal-bliet biex jiżdied it-taħriġ dwar l-akkwist ċirkolari kif ukoll dwar l-akkwist pubbliku innovattiv u responsabbli;

37.

iqis li l-UE għandha tiżgura l-koerenza bejn il-politiki Ewropej differenti li jirregolaw il-politiki tal-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat, sabiex jiġi żgurat li l-UE kollha kemm hi tissaħħaħ bħala post industrijali u li l-kumpaniji Ewropej ikunu kompetittivi f’dinja globalizzata;

38.

jistieden lill-Kummissjoni tniedi proċess għal tikketti u ċertifikati rikonoxxuti madwar l-UE li jkunu affidabbli u mhux ambigwi, b’mod partikolari fil-qasam tas-sostenibilità ambjentali, biex tipprovdi ċertezza legali u ttaffi l-piżijiet tal-awtoritajiet kontraenti lokali;

39.

jirrimarka li l-iżvilupp ta’ sistemi proprji tal-akkwist pubbliku elettroniku u ta’ portali nazzjonali tal-akkwist pubbliku kkawża parzjalment problemi ta’ kompatibilità kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejniethom; l-iżvilupp ta’ sistemi kompletament kompatibbli jista’ jissemplifika u jħaffef ħafna l-proċeduri tal-akkwist pubbliku;

40.

jinnota, fl-aħħar nett, li d-Direttivi naqsu milli jindirizzaw it-tħassib ewlieni relatat ma’ semplifikazzjoni komprensiva għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; jemmen, madankollu, li minħabba l-kontinwità u r-raġunijiet mogħtija hawn fuq, m’għandhiex issir riforma leġislattiva ġdida fis-snin li ġejjin.

Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Kumitat tar-Reġjuni, Grupp ta’ Tmexxija tas-Sussidjarjetà, Netwerk ta’ Ċentri Reġjonali għall-Politika tal-UE, Analiżi tal-Implimentazzjoni, Rapport tal-Implimentazzjoni, L-Ewwel Konsultazzjoni dwar l-Akkwist Pubbliku, Lulju 2019.

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Nagħmlu l-Akkwist Pubbliku jaħdem fl-Ewropa u għaliha, 3.10.2017 (COM(2017) 572 final).

(3)  Ara l-Istħarriġ li sar mill-KtR flimkien mal-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR) dwar il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-Akkwist tal-2014: L-isfidi u l-Opportunitajiet fil-Livell Reġjonali u Lokali.

(4)  Ara l-istħarriġ konġunt tal-KtR/CEMR.

(5)  Ara l-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tal-5 ta’ Lulju 2018 dwar Pakkett dwar l-Akkwist Pubbliku, relatur: Adrian Ovidiu Teban (RO/PPE).

(6)  Komunikazzjoni dwar Nagħmlu l-Akkwist Pubbliku jaħdem fl-Ewropa u għaliha, 3.10.2017 (COM(2017) 572 final).

(7)  L-istħarriġ tal-KtR/tas-CEMR.

(8)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, 6.5.2003 (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(9)  Il-kawżi C-410/14 Falk Pharma u C-9/17 Tirkkonen.

(10)  Opinjoni mill-Pjattaforma REFIT dwar l-effettività u l-effiċjenza tal-akkwist pubbliku (appoġġ soċjali liż-żgħażagħ u għajnuna soċjali) mill-Ministeru għas-Saħħa, il-Benesseri u l-Isport tan-Netherlands, 14.3.2019.

(11)  Il-Parlament Ewropew, Dipartiment Tematiku għall-Politiki Ekonomiċi, Xjentifiċi u tal-Kwalità tal-Ħajja Contribution to Growth.Amministrazzjoni Pubblika Europea Delivering Economic Benefits for Citizens and Businesses, (Kontribut għat-tkabbir: Suq Uniku Diġitali Ewropew. Il-Kisba ta’ Benefiċċji Ekonomiċi għaċ-Ċittadini u n-Negozji) January 2019 (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.

(13)  QĠUE, sentenza fil-kawża C-465/17 tal-21.3.2019.

(14)  https://ec.europa.eu/futurium/en/system/files/ged/final_action_plan_public_procurement_2018.pdf


5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/48


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Regolazzjoni aħjar: nagħtu rendikont u nżommu l-impenn tagħna

(2020/C 39/10)

Relatur

:

Olgierd Geblewicz (PL/PPE), Marixxall tar-Reġjun ta’ Zachodniopomorskie

Dokumenti ta’ referenza

:

COM(2019) 178 final

SWD(2019) 156

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti

1.

jilqa’ l-analiżi tas-sitwazzjoni attwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-attivitajiet ta’ regolamentazzjoni aħjar u jenfasizza li regolamentazzjoni aħjar m’għandhiex tkun aġenda deregolatorja moħbija, li r-regolamentazzjoni aħjar u t-tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza, trasparenti u inklużiv huma imperattivi ewlenin fi klima fejn id-demokrazija u d-deċiżjonijiet b’kompromess qed jiġu attakkati, iżda wkoll li strumenti ta’ regolamentazzjoni aħjar m’għandhom qatt jieħdu post it-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi demokratiċi; jenfasizza li l-għodod ta’ regolamentazzjoni aħjar infushom jinvolvu “spejjeż” (f’termini ta’ żmien, riżorsi umani eċċ.) u għalhekk jeħtieġ ukoll li jitfasslu b’mod effettiv; u li regolamentazzjoni aħjar għandha tkun sforz komuni fost il-livelli kollha ta’ governanza; jilqa’ għalhekk, b’mod partikolari, ir-rikonoxximent pożittiv tal-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-Kumitat tar-Reġjuni jiġu involuti b’mod aktar dirett fil-proċess politiku tal-UE;

2.

jistqarr li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jistħoqqilhom leġislazzjoni ta’ kwalità tajba li tibni l-valur miżjud Ewropew, li tkun ċara u kkomunikata sew lil dawk li hija indirizzata lejhom f’termini ta’ għanijiet, u li tkun immonitorjata f’termini ta’ riżultati. Billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw u jużaw madwar 70 % tal-leġislazzjoni tal-UE u għandhom ukoll l-eqreb rabtiet maċ-ċittadini, jeħtieġ li dawn ikunu involuti direttament fil-proċess tal-ħolqien ta’ regoli tal-UE tajbin u l-proċess ta’ valutazzjoni tal-effikaċja tagħhom. Minħabba li huwa kruċjali mill-perspettiva tal-implimentazzjoni tar-regoli u għall-perċezzjoni tal-UE li ċ-ċittadini jifhmu l-għan u l-benefiċċji tar-regoli, bħala korpi kredibbli f’għajnejn iċ-ċittadini, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti bis-sħiħ f’dan il-proċess ta’ komunikazzjoni, jiġifieri jipprovdu informazzjoni dwar u jiċċaraw it-tifsira tar-regoli b’mod li jinftiehem fil-livell lokali. Ir-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni, bħala pont formali bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, hawnhekk huwa essenzjali;

3.

jinnota li l-kwalità tal-leġislazzjoni hija waħda mill-fatturi ewlenin għas-suċċess tal-integrazzjoni Ewropea. L-Ewropa tkun b’saħħitha, l-istituzzjonijiet tagħha regolati skont l-istat tad-dritt, il-politiki tagħha effettivi, u ċ-ċittadini tagħha involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet jekk il-governanza tiggarantixxi l-kooperazzjoni bejn id-diversi livelli ta’ gvern biex jimplimentaw il-politiki tal-Unjoni, japplikaw il-leġislazzjoni b’mod effettiv u jsibu soluzzjonijiet soċjalment aċċettabbli għall-isfidi globali; jappoġġja wkoll, f’dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-approċċi kwantitattivi (immirati lejn it-tnaqqis tal-hekk imsejħa piżijiet amministrattivi b’ċertu perċentwal) mhumiex adegwati biex jindirizzaw il-kumplessità u n-natura diversa tar-regolazzjoni tal-UE u l-impatt tagħha fuq livelli differenti; japprova wkoll, f’dan il-kuntest, ir-rakkomandazzjoni tat-Task Force dwar is-Sussidjarjetà li l-kwistjoni ta’ “densità leġislattiva”, b’rabta mal-valur miżjud tagħha, għandha tkun element ewlieni tal-eżerċizzju REFIT; f’dan il-kuntest, jilqa’ wkoll id-dikjarazzjoni tal-president futur tal-Kummissjoni Ewropea biex tiġi stabbilita Konferenza dwar il-futur tal-Ewropa, u jfakkar fix-xewqa tal-KtR biex ikun involut bis-sħiħ f’kull diskussjoni dwar it-titjib tal-governanza tal-UE u s-suġġeriment tiegħu dwar sistema permanenti u strutturata ta’ djalogui taċ-ċittadini sabiex isaħħaħ il-funzjonament demokratiku tal-UE;

4.

jaqbel mal-fehma li l-programm għal Regolamentazzjoni Aħjar huwa strument li jgħin biex jittejbu l-politiki tal-UE u jipprovdi l-bażi biex jittieħdu deċiżjonijiet ta’ politika tajbin u f’waqthom. B’hekk jiġi żgurat li l-leġislazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE tkun aktar pożittiva milli negattiva – fi kliem ieħor, li jiġi żgurat li l-miżuri legali jkunu bbażati fuq l-evidenza, imfasslin tajjeb u li jkunu ta’ benefiċċju tanġibbli u sostenibbli għaċ-ċittadini, in-negozji u s-soċjetà inġenerali. Dan japplika kemm għar-regoli l-ġodda kif ukoll għall-korp vast tal-liġi tal-UE diġà fis-seħħ; huwa konxju mill-fatt li dan l-istrument fil-fatt huwa l-bidu ta’ proċess immirat lejn l-iżvilupp tal-aħjar mekkaniżmi leġislattivi possibbli;

5.

huwa konxju li, fid-dawl tal-kompetenzi mogħtija lilha skont it-Trattati u r-riżorsi umani li għandha, il-Kummissjoni Ewropea taqdi rwol ewlieni fil-politika ta’ regolamentazzjoni aħjar. Madankollu, il-Kumitat jirrimarka li regolamentazzjoni aħjar ma tistax tinkiseb esklużivament permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-UE. Jisħaq dwar il-potenzjal importanti, iżda mhux sfruttat għalkollox, ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li l-KtR huwa pont naturali fil-konfront tagħhom;

6.

ifakkar fl-obbligu tal-Unjoni li tirregola biss f’oqsma ta’ kompetenza kondiviża u sa fejn l-għanijiet tal-politika inkwistjoni ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, ir-reġjuni jew l-awtoritajiet lokali tagħhom, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità; japprova l-konklużjonijiet tat-Task Force dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità u jilqa’ l-proposta għal politika aktar miftuħa bl-involviment aktar b’saħħtu tal-livelli kollha ta’ gvern, permezz ta’ approċċ ġdid għall-prinċipju tas-sussidjarjetà – is-“sussidjarjetà attiva”;

7.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali bħalissa mhumiex involuti direttament fin-negozjati bejn il-PE u l-Kunsill fil-kuntest tal-proċeduri leġislattivi u mhumiex involuti direttament ukoll fil-mekkaniżmu formali tal-kontroll tas-sussidjarjetà; ifakkar, madankollu, li l-KtR għandu d-dritt li jieħu azzjoni quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f’każijiet fejn is-sussidjarjetà ma tiġix rispettata, u li qed juża din il-possibbiltà biex isaħħaħ il-messaġġi politiċi tiegħu dwar is-suġġett u għalhekk jaqdi rwol importanti biex isemma’ leħen l-awtoritajiet lokali u reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tesplora mezzi kif tinvolvi lill-parlamenti reġjonali aktar mill-qrib fil-proċessi, pereżempju billi tinkludihom formalment fil-mekkaniżmu ta’ twissija bikrija jew permezz tal-estensjoni tas-sistema tal-karti sofor u ħomor għall-parlamenti reġjonali sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod pożittiv fl-iżvilupp ta’ sussidjarjetà attiva;

8.

jinnota li l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni huma essenzjali għall-proċess tat-titjib tal-leġislazzjoni. Il-KtR jirrimarka li r-regoli l-ġodda ta’ spiss jiġu implimentati qabel ma tkun tlestiet l-evalwazzjoni sħiħa u adatta tal-impatt tal-leġislazzjoni eżistenti. L-awtoritajiet lokali u reġjonali japplikaw il-maġġoranza tal-liġi tal-UE u għalhekk għandhom l-aktar għarfien wiesa’ tal-impatt tagħha fil-prattika fuq iċ-ċittadini;

9.

jilqa’ l-istedina tal-Kummissjoni biex jissaħħu l-miżuri REFIT permezz ta’ aktar involviment tal-Kumitat tar-Reġjuni;

10.

jenfasizza l-kapaċità tal-KtR li jikkonsulta u jikkomunika mal-komunitajiet lokali permezz tal-kuntatti tiegħu man-netwerks eżistenti li jlaqqgħu flimkien ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri;

Għodod ta’ regolamentazzjoni aħjar u r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex isir użu aħjar minn dawn l-għodod

11.

ifakkar li l-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-kontenut tal-leġislazzjoni u għandhom effett ta’ leġittimazzjoni – dawn jagħtu spinta lill-aċċettazzjoni tal-leġislazzjoni u b’hekk jistgħu jagħmlu l-implimentazzjoni aktar effettiva; għalhekk jilqa’ l-inizjattiva għall-ħolqien tal-portal “Semma’ leħnek”, għall-komunikazzjoni u l-konsultazzjoni maċ-ċittadini; jinnota, madankollu, li t-tweġibiet taċ-ċittadini individwali sa issa jikkostitwixxu biss minoranza ta’ sottomissjonijiet, li probabbilment hija dovuta għall-fatt li l-portal u l-proċessi ta’ konsultazzjoni għadhom mhumiex magħrufa b’mod wiesa’; għalhekk jappella biex jissaħħu l-miżuri ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, b’mod partikolari permezz tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali; barra minn hekk, jissuġġerixxi li jkun hemm konsultazzjonijiet speċifiċi u mmirati lejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, speċjalment f’oqsma partikolarment rilevanti għalihom. F’dan il-kuntest, l-involviment tal-KtR, permezz tal-kuntatti tiegħu tan-netwerks ta’ rappreżentanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, jista’ jippermetti li jintlaħqu gruppi akbar ta’ individwi u atturi istituzzjonali, li b’hekk itejbu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet;

12.

jinnota li l-valutazzjoni tal-impatt tal-leġislazzjoni hija għodda importanti li tagħmel il-leġislazzjoni aktar leġittima u trasparenti; għalhekk jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti aktar attenzjoni lis-sussidjarjetà u lill-proporzjonalità meta twettaq valutazzjoni bħal din; jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jipprovdu informazzjoni ta’ valur b’mod speċjali f’dan ir-rigward;

13.

jirrimarka l-ħtieġa li titkompla l-ħidma fir-rigward tal-iżvilupp ta’ indikaturi għall-valutazzjoni tal-impatt, filwaqt li jitqiesu l-għodod li għandhom x’jaqsmu mal-livell sottonazzjonali, b’mod partikolari l-indikaturi għat-tfassil tal-politika, bħal fil-qasam tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli jew it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali. Dan jippermetti lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew, nazzjonali, lokali u reġjonali biex jinfurmaw ruħhom dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt fir-reġjuni differenti u jagħtihom l-opportunità li jidentifikaw aspetti li jeħtieġ jittejbu fil-qasam tal-leġislazzjoni u t-tfassil tal-politika fil-livell lokali;

14.

jiġbed l-attenzjoni għad-diversità tar-reġjuni Ewropej, li tista’ twassal li liġi jkollha impatt territorjali asimmetriku. Il-valutazzjonijiet tal-impatt inizjali għandhom jiddeterminaw jekk hemmx impatt territorjali tal-implimentazzjoni tal-politika li għandu jitqies fi stadju bikri tal-proċess leġislattiv u għalhekk għandu dan għandu jsir il-prattika komuni għad-Direttorati u d-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni biex janalizzaw dan l-aspett meta jkunu qed iħejju l-leġislazzjoni. Dan jippermettilhom jivvalutaw aħjar l-aħjar mezzi biex jiksbu l-objettivi ta’ politika tagħhom u jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt territorjali aktar fil-fond dwar il-leġislazzjoni fejn dan ikun rilevanti. Dan jgħin ukoll biex jiġu sensibilizzati d-direttorati kollha tal-Kummissjoni għall-impatt territorjali u ġeografiku potenzjali tal-għażliet ta’ politika tagħhom;

15.

ifakkar fil-proġett pilota tiegħu mniedi fl-2018 biex jistabbilixxi netwerk ta’ ċentri reġjonali għall-ġbir ta’ data lokali u reġjonali fil-qasam tal-implimentazzjoni tal-politika tal-UE permezz ta’ kwestjonarji speċifiċi (RegHub). Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar regolazzjoni aħjar tikkonferma l-appoġġ għal dan il-proġett. Huwa jappella għal aktar sforzi biex jittejjeb dan il-proġett u wara l-evalwazzjoni pożittiva tal-fażi pilota, biex jiġi integrat fis-sistema tat-tfassil tal-politika u tal-liġijiet tal-UE;

16.

jappoġġja bil-qawwa l-objettivi tal-Pjattaforma REFIT; ilu membru tal-grupp tal-partijiet interessati tal-Pjattaforma minn mindu twaqqfet fl-2015; jappella li l-mandat tal-Pjattaforma jiġi estiż bi qbil mal-proposti tat-Task Force dwar is-Sussidjarjetà, li identifikaw għadd ta’ problemi li jipprevjenu lill-KtR milli jikkontribwixxi b’mod aktar effettiv għall-funzjonament tal-Pjattaforma; jenfasizza li l-KtR, bħala korp konsultattiv, jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdi kontribut infurmat, iżda li fil-preżent in-natura tant speċifika u teknika tas-sottomissjonijiet lill-Pjattaforma, u l-iskadenza qasira għas-sottomissjoni tal-kontributi, mhux jippermettu lill-Kumitat tar-Reġjuni li jagħmel użu mill-potenzjal tiegħu u jagħti kontribut sinifikanti kif xieraq; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-kontribut kbir li n-netwerk tar-RegHub jista’ jagħmel, permezz tal-KtR, fir-rigward tal-objettivi tal-Pjattaforma REFIT;

Rakkomandazzjonijiet tal-KtR

17.

filwaqt li jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni sa issa biex tirrevedi l-leġislazzjoni eżistenti, jirrakkomanda t-tħejjija ta’ pjani settorjali għar-reviżjoni tal-liġijiet biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni koerenti u sistematika tal-għanijiet stabbiliti mill-Kummissjoni. Fl-istess ħin, il-KtR jenfasizza li kemm meta jiġu evalwati r-regoli eżistenti kif ukoll meta jinħolqu oħrajn ġodda, jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fuq diversi livelli bbażata fuq il-fiduċja reċiproka; jinnota li din il-kooperazzjoni għandha tinvolvi b’mod attiv lir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali sa mill-bidu nett fit-tfassil tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll fl-ippjanar annwali tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni u monitoraġġ leġislattivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt territorjali;

18.

jaqbel mal-ħtieġa li tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE bħala parti minn aġenda aktar komprensiva għal regolazzjoni aħjar. Il-Kumitat jappella li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jingħataw l-ogħla prijorità u li jittieħed approċċ attiv għas-sussidjarjetà, bħala mod kif jiġi żgurat li l-input minn isfel għal fuq jitiqies bis-sħiħ fi ħdan il-qafas tal-kompetenzi eżistenti fil-livell tal-UE. Dawn il-prinċipji jridu jiġu ttrattati bħala aspetti fundamentali tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, mhux l-inqas permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tar-Reġjuni, bħala r-rappreżentant istituzzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma responsabbli għall-applikazzjoni diretta ta’ partijiet kbar tal-liġi Ewropea;

19.

ifakkar li fir-rigward tal-metodi ta’ ħidma, il-Pjattaforma REFIT għandha l-għan li tintegra l-livelli tekniċi u politiċi fl-istess qafas; jinnota, fl-istess ħin, li minħabba l-fatt li jirrappreżenta l-awtoritajiet politiċi lokali u reġjonali, il-Kumitat qed ikun trattat daqslikieku grupp ta’ interess, li ma jirriflettix in-natura tal-kompożizzjoni tiegħu; jappella, għalhekk, li l-metodi ta’ ħidma jitfasslu mill-ġdid, biex b’hekk ir-rappreżentanti tal-KtR jkunu involuti b’mod dirett fil-proċess politiku li jiddetermina l-objettivi tal-politika tal-Pjattaforma u fl-għażla tad-dispożizzjonijiet biex jiġu analizzati. Dan jippermetti lill-membri tal-KtR, li huma involuti fil-Pjattaforma biex ikunu jistgħu jaqsmu l-esperjenza u l-għarfien espert tagħhom fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-liġi Ewropea fl-aktar sens wiesa’ u f’dak li jirrigwarda l-impatt tagħha fuq iċ-ċittadini, filwaqt li joħolqu wkoll rabta man-netwerks tal-KtR;

20.

itenni li huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jadattaw ir-regolamenti tal-UE għaċ-ċirkostanzi lokali u reġjonali biex jevitaw li joħolqu formalitajiet amministrattivi, restrizzjonijiet jew piżijiet ekonomiċi bla bżonn. It-Task Force dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità tirrimarka li d-densità regolatorja żdiedet, u li dan naqqas il-marġni ta’ interpretazzjoni li għandu jkun hemm meta jiġu implimentati d-direttivi. Dan jagħmilha aktar diffiċli għall-Kummissjoni biex tikseb regolamentazzjoni aħjar u aktar effiċjenti. Il-kwistjoni għalhekk jeħtieġ li tiġi indirizzata fil-ħidma futura dwar regolamentazzjoni aħjar;

21.

jirrakkomanda wkoll li l-Pjattaforma REFIT tiġi ristrutturata bl-involviment ta’ esperti mil-livell lokali jew reġjonali fil-ħidma tal-gruppi nazzjonali ta’ esperti u tal-gruppi li jlaqqgħu flimkien rappreżentanti tal-gruppi ta’ interess; dan ikun mod addizzjonali biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ ħidma dwar it-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess leġislattiv, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni;

22.

ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea ddikjarat l-intenzjoni tagħha li ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi. Wara t-tlestija b’suċċess tal-fażi pilota, in-netwerks reġjonali (RegHub) jistgħu jsiru għodda importanti għat-tisħiħ ta’ din il-kooperazzjoni. Jinnota li dan ikun jeħtieġ li l-Kummissjoni, il-KtR u l-partijiet interessati l-oħrajn kollha jiddefinixxu flimkien maċ-ċentri l-iskeda, il-kontenut tal-oqsma ta’ politika u r-rilevanza għar-reġjuni u l-bliet. F’dan ir-rigward jappella għal involviment akbar tal-Kummissjoni Ewropea anke mill-fażi pilota tal-proġett;

23.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-possibbiltà li testendi n-netwerks reġjonali (RegHub) ladarba titlesta l-fażi pilota. Il-valur miżjud li l-proġett jista’ jġib miegħu fl-iżvilupp tan-netwerk, li jinvolvi madwar 280 reġjun, qed jikber b’mod konsiderevoli. Ir-RegHubs fl-Ewropa kollha jistgħu jsiru għodda importanti biex jingħelbu wħud mill-isfidi li bħalissa qed jiffaċċja l-proġett ta’ regolamentazzjoni aħjar. Bosta reġjuni diġà esprimew interess qawwi biex jipparteċipaw fil-fażi pilota tal-proġett. Madankollu, l-iżvilupp u ż-żamma ta’ netwerks bħal dawn jinvolvu investimenti ta’ riżorsi finanzjarji u umani u jirrikjedu appoġġ għal dawk ir-reġjuni li jixtiequ jorganizzaw ruħhom sabiex jikkontribwixxu fuq perjodu twil ta’ żmien għall-attivitajiet tan-netwerk ladarba l-fażi pilota tkun tlestiet;

24.

jilqa’ l-fatt li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ffirmaw ftehim interistituzzjonali ġdid dwar regolamentazzjoni aħjar fl-2016 u li l-ftehim żied il-kontroll fuq il-proċedura għall-adozzjoni ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni. Il-Kumitat jinnota, madankollu, li l-ftehim ma ġiex implimentat bis-sħiħ mill-istituzzjonijiet firmatarji u li hu stess sfortunatament kien eskluż mit-tħejjija tal-ftehim; jenfasizza li fuq il-bażi tal-punti mqajma hawn fuq, ikun tabilħaqq fl-interess istituzzjonali ġenerali tal-UE li tinvolvi lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fi kwalunkwe reviżjoni futura tal-ftehim interistituzzjonali;

25.

jitlob li l-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju jiġi estiż biex jinkludi membru permanenti maħtur mill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-ġustifikazzjoni għal din l-espansjoni hija l-ħtieġa urġenti li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-Bord dwar il-perspettivi lokali u reġjonali dwar il-leġislazzjoni tal-UE; jinsab konvint li l-għoti ta’ rwol aktar b’saħħtu u formalizzat fit-tfassil tal-politiki u tal-liġi tal-UE huwa l-uniku mod kif jista’ jiġi żgurat li r-regoli jkunu aktar effettivi u tissaħħaħ il-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, biex b’hekk tiżdied il-leġittimità;

26.

jistieden lill-PE u lill-Kunsill biex iwettqu valutazzjoni tal-impatt fir-rigward ta’ kwalunkwe tibdil importanti li jagħmlu fil-proċess leġislattiv; Fil-każ li l-ftehim milħuq ikun differenti b’mod sinifikanti mill-valutazzjoni tal-impatt inizjali tal-Kummissjoni, il-KtR jappella li l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali u l-piżijiet regolatorji jiġu vvalutati mill-ġdid f’kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet involuti qabel ma tittieħed deċiżjoni finali. F’każijiet bħal dawn, il-KtR jinsisti li jkun infurmat regolarment dwar il-proċess ta’ negozjati bejn il-PE u l-Kunsill u dwar l-impatt fuq id-dispożizzjonijiet inizjali tar-regolament u, fil-każ ta’ bidliet sinifikanti, jerġa’ jiġi kkonsultat fejn possibbli;

27.

jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-valutazzjonijiet tal-impatt futuri jinkludu kemm valutazzjoni tal-piżijiet ekonomiċi li tista’ tinvolvi leġislazzjoni ġdida għas-settur pubbliku kif ukoll valutazzjoni territorjali. Dan se jipprovdi bażi aktar kwalifikata għal diskussjonijiet dwar jekk il-leġislazzjoni tal-UE hijiex l-aktar strument effettiv;

28.

jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fit-talba tagħha lill-Istati Membri biex jipprovdu r-raġunijiet għal kwalunkwe intenzjoni fil-livell nazzjonali biex iżidu rekwiżiti speċifiċi fil-proċess ta’ traspożizzjoni tal-liġi Ewropea f’leġislazzjoni nazzjonali (“gold-plating”); f’każijiet bħal dawn, u b’mod partikolari fejn dawn ir-rekwiżiti jżidu piżijiet addizzjonali fuq il-livelli sottonazzjonali fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kumitat tar-Reġjuni kmieni kemm jista’ jkun sabiex ikun jista’ jsir djalogu xieraq dwar il-kwistjoni;

29.

jappella li l-KtR jiġi inkluż fil-ftehim interistituzzjonali li jmiss dwar regolamentazzjoni aħjar, li se jiġi konkluż bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea, fil-forma ta’ protokoll speċjali għal ftehim mal-Kumitat tar-Reġjuni, b’mod partikolari dwar l-implimentazzjoni ta’ ċerti mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni u konsultazzjoni;

30.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex, f’kooperazzjoni mal-KtR, twettaq attivitajiet ta’ informazzjoni u taħriġ immirati lejn ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali dwar proċeduri u għodod ta’ regolazzjoni aħjar, filwaqt li tqis l-inizjattivi ta’ informazzjoni u ta’ taħriġ eżistenti fl-Istati Membri tar-reġjuni jew l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, sabiex tippromovi n-netwerking, is-sinerġija, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattika bejn dawk responsabbli għal dawn l-inizjattivi u l-Kummissjoni Ewropea permezz tal-KtR;

31.

jirrakkomanda li, bħala parti mill-approċċ ta’ regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni tiżviluppa approċċi ta’ komunikazzjoni li għandhom l-għan li jwasslu l-bżonn – u l-importanza – ta’proposti leġisattivi futuri diffiċli jew kontroversjali għall-pubbliku b’mod trasparenti u fi stadju bikri;

32.

jappella li jitqiesu r-reġjuni li għandhom setgħat leġislattivi kostituzzjonali u li jiġu pprovduti mezzi għall-involviment sħiħ u dirett fit-tfassil ta’ atti leġislattivi b’rabta mal-oqsma ta’ kompetenza tagħhom;

33.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni Ewropea li regolamentazzjoni aħjar teħtieġ sforz konġunt, filwaqt li fl-istess ħin jiġi enfasizzat li din l-inizjattiva għandha dimensjoni f’diversi livelli, li jfisser li r-responsabbiltà għandha tinqasam bejn il-livelli kollha ta’ governanza; għal dan il-għan, jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea temenda l-linji gwida dwar regolazzjoni aħjar sabiex tintegra d-dimensjoni reġjonali fil-proċeduri u l-istrumenti previsti fl-Aġenda għaċ-ċiklu sħiħ tal-politika, inkluż abbażi ta’ konsultazzjoni ddedikata man-netwerks tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali koordinata mill-KtR;

34.

jenfasizza li regolamentazzjoni tajba tfisser ukoll komunikazzjoni effettiva liċ-ċittadini dwar ir-raġunijiet, it-tifsira u l-benefiċċji tal-liġijiet, ħaġa li, minħabba l-komunikazzjoni, l-ostakli lingwistiċi jew kulturali jew id-distanza ma tistax tinkiseb b’mod effettiv fil-livell tal-UE jew dak nazzjonali; għalhekk jirrakkomanda li, mill-bidu nett, fil-komunikazzjoni dwar il-proċess leġislattiv, il-Kummissjoni għandha taħdem mill-qrib mal-Kumitat tar-Reġjuni li, bħala r-rappreżentant tal-komunitajiet lokali, inħoloq parzjalment mill-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-UE. B’dan il-mod, din il-komunikazzjoni ssir b’mod li jinftiehem mid-destinatarji diretti tal-liġi Ewropea, li twassal għal perċezzjoni pożittiva tal-istituzzjonijiet tal-UE u tar-regoli mfasslin minnhom.

Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2019

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/53


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tixjiħ attiv u b’saħħtu

(2020/C 39/11)

Relatur

:

Birgitta SACRÉDEUS (SE/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Dalarna

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Prijoritajiet politiċi

1.

jitlob għal programm b’saħħtu fil-qasam tas-saħħa pubblika u għall-prijoritizzazzjoni baġitarja tal-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fil-programm ta’ riċerka tal-UE wara l-2020, inkluż l-Orizzont Ewropa;

2.

jesprimi l-appoġġ tiegħu għas-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu u jittama li l-Kummissjoni tkompli tappoġġja din l-inizjattiva. L-innovazzjoni f’teknoloġiji ta’ assistenza hija inċentiv importanti għall-anzjani biex jgħixu ħajja attiva u b’saħħitha, u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għalhekk jappoġġja r-riċerka u l-iżvilupp f’dan il-qasam;

3.

jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha biex jilqgħu l-opportunitajiet offruti mis-saħħa elettronika u d-diġitalizzazzjoni bħala għodod u biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw is-servizzi tas-saħħa u l-kura għall-etajiet kollha, billi jużaw l-innovazzjoni diġitali biex inaqqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u jtejbu l-aċċess għall-kura, l-iżjed fiż-żoni b’popolazzjoni baxxa;

4.

jissuġġerixxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jinkludu l-iżvilupp ta’ ambjenti adatti għall-anzjani, għajxien indipendenti, kura bbażata fil-komunità u aċċessibilità fl-ippjanar spazjali;

5.

huwa konvint li t-tixjiħ huwa possibbiltà moħbija u jappoġġja l-miżuri tal-istrateġija Ewropea dwar l-ekonomija tal-anzjani, peress li ħajja itwal toħloq suq għal prodotti u servizzi ġodda bi prezzijiet affordabbli li jippromovu t-tixjiħ attiv u b’saħħtu;

6.

josserva li huwa fattur ta’ suċċess ewlieni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli ġodda li l-industrija Ewropea tkun imsieħba f’kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti reġjonali u lokali;

7.

huwa tal-fehma li l-isfidi tat-tibdil demografika se jirrikjedu riċerka u industrija Ewropea attiva għall-immodernizzar, id-disinn u l-produzzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi ġodda għal popolazzjoni li qed tixjieħ, kemm jekk rigward prodotti ta’ kuljum, infrastruttura, teknoloġija kif ukoll rigward softwer. Huwa jqis dan bħala opportunità għall-UE biex tippożizzjona ruħha quddiem nett fis-suq tal-ekonomija tal-anzjani, biex toħloq impjiegi lokali, tiġġenera l-ġid u tesporta innovazzjonijiet ġodda lil hinn minnha;

8.

jenfasizza l-kooperazzjoni istituzzjonali tiegħu mal-Uffiċċju Reġjonali għall-Ewropa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), u jħeġġeġ lill-politiċi muniċipali u reġjonali biex jeżaminaw il-possibbiltajiet offruti mill-Memorandum ta’ Qbil bejn il-KtR u d-WHO u n-netwerks konnessi tad-WHO: Healthy Cities u Regions for Health;

9.

jenfasizza li ż-żieda fis-snin ta’ ħajja b’saħħitha hija waħda mill-għanijiet ewlenin tal-politika tas-saħħa tal-UE, peress li dan mhux biss itejjeb is-sitwazzjoni tal-individwi iżda jwassal ukoll għal nefqa aktar baxxa għas-saħħa pubblika, u x’aktarx iżid iċ-ċans li n-nies ikomplu jaħdmu għal aktar żmien meta jikbru fl-età;

10.

jaqbel mal-valutazzjoni tad-WHO (1) li t-tixjiħ attiv u b’saħħtu jiddependi minn 1) is-sistemi tas-saħħa u dawk soċjali, 2) fatturi ta’ mġiba, 3) fatturi personali, 4) l-ambjent fiżiku, 5) l-ambjent soċjali u 6) fatturi ekonomiċi, u jenfasizza li l-intervent politiku f’dawn id-dimensjonijiet jista’ jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-iżvilupp tas-suq Ewropew tal-ekonomija tal-anzjani;

11.

jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol importanti tal-imsieħba soċjali biex jippermettu l-attività u s-saħħa tal-bniedem fix-xjuħija, u f’dan ir-rigward jirreferi għall-ftehim qafas dwar it-tixjiħ attiv u l-approċċ interġenerazzjonali adottati mill-imsieħba soċjali Ewropej fl-2017. Il-ftehim qafas jipprovdi għall-implimentazzjoni ta’ miżuri mfassla biex jagħmluha aktar faċli għall-ħaddiema aktar anzjani jibqgħu jwettqu ħidma attiva fis-suq tax-xogħol sal-età tal-irtirar, u b’hekk jikkontribwixxu għal tixjiħ b’saħħtu u attiv;

Sfond statistiku

12.

josserva li, fl-1 ta’ Jannar 2017, l-UE-28 kellha popolazzjoni ta’ madwar 511,5-il miljun. Iż-żgħażagħ (ta’ bejn 0 u 14-il sena) kienu jammontaw għal 15,6 % tal-popolazzjoni tal-UE-28, filwaqt li n-nies meqjusa bħala fl-età tax-xogħol (15–64 sena) kienu jammontaw għal 64,9 % tal-popolazzjoni. L-anzjani (65 sena jew aktar) kienu jirrappreżentaw sehem ta’ 19,4 % tal-popolazzjoni (żieda ta’ 2,4 punti perċentwali meta mqabbla mal-10 snin ta’ qabel);

Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni (EIP) dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu u l-Komunikazzjoni dwar it-Trasformazzjoni Diġitali tal-Kura u tas-Saħħa

13.

josserva li l-Kummissjoni rrevediet l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tagħha f’rieżami ta’ nofs it-terminu f’Mejju 2017 u ppreżentat Komunikazzjoni (2) f’April 2018 dwar it-trasformazzjoni diġitali tal-kura u tas-saħħa fis-Suq Uniku Diġitali (3). Il-Komunikazzjoni enfasizzat tliet oqsma ta’ prijorità għat-trasformazzjoni diġitali tal-kura u tas-saħħa:

l-iżgurar ta’ aċċess sigur għad-data dwar is-saħħa u l-possibbiltà li d-data tiġi kondiviża bejn il-fruntieri;

data mtejba biex ir-riċerka, il-prevenzjoni tal-mard u l-kura u s-saħħa personalizzati javvanzaw;

għodod diġitali għall-awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini u soluzzjonijiet għall-kura ċċentrati fuq l-individwu;

14.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-EIP ikkontribwiet għall-introduzzjoni fuq skala kbira ta’ soluzzjonijiet tas-saħħa u tal-kura diġitali transkonfinali;

Rilevanza/importanza lokali u reġjonali għall-KtR

15.

josserva li f’20 mit-28 Stat Membru, l-awtoritajiet reġjonali huma responsabbli – tal-anqas parzjalment – għas-sistemi tas-saħħa (u ħafna drabi s-sistemi soċjali); Il-baġits tagħhom jerfgħu r-responsabbiltà għall-mard kroniku u l-ispejjeż dejjem ogħla tal-kura fit-tul.

16.

fl-istess ħin, josserva li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiddefinixxu, jimplimentaw u jiġġestixxu firxa sħiħa ta’ servizzi li jistgħu jagħmlu differenza pożittiva u jinfluwenzaw il-mod li bih in-nies jixjieħu fil-komunitajiet tagħhom. Il-prevenzjoni intelliġenti fis-saħħa u l-kura, il-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa, miżuri ta’ sensibilizzazzjoni u kampanji ta’ informazzjoni mmirati jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jilħqu lill-persuni kollha u jgħinuhom jgħixu u jtawlu l-ħajja b’saħħitha tagħhom. Barra minn hekk, dawn l-awtoritajiet jistgħu jiżviluppaw kooperazzjoni innovattiva dwar il-limiti tal-finanzjament biex jipprovdu aktar appoġġ għal soluzzjonijiet iċċentrati fuq l-individwu permezz ta’ arranġamenti ta’ kura integrata;

17.

huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ċentrali fit-tfassil u ż-zieda fl-innovazzjoni li tagħmel il-ħajja aktar faċli għaċ-ċittadini aktar anzjani. Billi jinvestu fis-settur tal-ekonomija tal-anzjani, jappoġġjaw soluzzjonijiet innovattivi ta’ appoġġ domestiku u jippromovu t-tixrid tal-kura personali u l-kura tas-saħħa diġitali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni jistgħu għalhekk jittrasformaw l-hekk imsejjaħ “tsunami demografiku” f’opportunità reali biex itejbu s-servizzi pubbliċi tagħhom filwaqt li jistimulaw ukoll l-opportunitajiet għal impjiegi ġodda;

Dwar l-istabbiltà fiskali u n-nefqa marbuta mal-età

18.

itenni l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) (4) li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw Ir-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew marbuta mas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll japplikaw l-istrateġija fuq tliet livelli li tindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi u baġitarji tat-tixjiħ billi jitnaqqas id-dejn tal-gvern, jiżdiedu r-rati tal-impjieg u tal-produttività, u jsiru riformi fis-sistemi tal-pensjoni, tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul;

Dwar il-kura fit-tul u l-persunal soċjomediku

19.

jiġbed l-attenzjoni għal rapport (5) inkwetanti dwar il-kura fit-tul ikkummissjonat mid-DĠ Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni fl-2018, u r-riżultati tiegħu: 1) il-kura bbażata fuq il-pazjent u bbażata fil-komunità għadha sottożviluppata u diffiċli biex wieħed jaċċessaha; 2) il-kura informali qed tiżdied minħabba nuqqas ta’ alternattivi affordabbli, li jaffettwaw b’mod negattiv lin-nisa u l-prestazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; 3) nuqqas kbir ta’ persunal ikkwalifikat fil-kura fit-tul; u 4) il-frammentazzjoni tal-kura soċjali u tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura, li jaffettwaw is-sostenibbiltà fit-tul;

20.

huwa konxju li n-nuqqasijiet fil-kura soċjali u fil-kooperazzjoni mal-kura tas-saħħa primarja jistgħu jwasslu għal użu mhux adatt tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, pereżempju fl-użu ta’ servizzi ta’ ambulanza u żjarat ta’ emerġenza fl-isptarijiet, u soġġorni fl-isptar twal b’mod sproporzjonat għall-anzjani; Dawn in-nuqqasijiet jistgħu jkunu dovuti għal nuqqas ta’ koordinazzjoni u koerenza bejn l-isptar u s-settur tal-kura;

21.

jitlob li jkun hemm diskussjoni ġdida dwar l-integrazzjoni tal-kura soċjali u s-servizzi tas-saħħa u tal-kura sabiex jiġi żgurat li l-pazjenti jingħataw l-awtorizzazzjoni jħallu l-isptar fi żmien adatt u li l-fluss ta’ informazzjoni ma jkunx imfixkel minn limiti ta’ responsabbiltà, kif ukoll jinħolqu soluzzjonijiet ta’ kura integrata; f’dan ir-rigward, jappella wkoll għal koordinazzjoni aħjar bejn l-isptarijiet u s-settur tal-kura biex jiġu żgurati trattament u kura armonizzati. Dan se jiżgura li l-fluss ta’ informazzjoni ma jkunx imxekkel minn limiti legali ewlenin u jiġu pprovduti soluzzjonijiet integrati ta’ kura għall-benefiċċju tal-pazjenti;

22.

josserva li l-għadd ta’ persuni anzjani li jeħtieġu l-kura fl-Ewropa qed jiżdied u li hemm nuqqas ta’ ħaddiema kkwalifikati fis-servizzi soċjali u fis-servizzi tal-kura tas-saħħa. Għalhekk, hemm bżonn ta’ aktar reklutaġġ fis-settur tal-kura, fost affarijiet oħra, sabiex il-qraba ma jitgħabbewx bir-responsabbiltà ta’ kura; jinnota wkoll il-piż sproporzjonat ta’ kura informali, u jappella għal aktar appoġġ lil dawk li jipprovdu kura informali;

Id-diġitalizzazzjoni toffri opportunitajiet mingħajr preċedent għas-saħħa u l-kura medika u soċjali

23.

ifakkar fir-riżultati tal-konsultazzjoni tal-UE (6), li jagħmlu enfasu fuq il-fatt li l-parti l-kbira tal-Ewropej attwalment m’għandhomx aċċess għal kura tas-saħħa diġitali, u jtenni r-rakkomandazzjoni fl-Opinjoni tal-KtR dwar id-diġitalizzazzjoni tal-kura tas-saħħa, jiġifieri li l-Kummissjoni għandha tippromovi l-konverġenza bejn il-pjani diġitali, l-istrateġiji u l-finanzjament fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali li hemm bżonn għat-tnedija fuq skala kbira tas-servizzi tal-kura integrati, diġitali u ċċentrati fuq il-persuna;

24.

huwa tal-fehma li s-servizzi tas-saħħa elettronika, id-diġitalizzazzjoni u l-iskambju elettroniku tad-data bejn il-pazjenti u dawk li jieħdu ħsiebhom jiffaċilitaw il-kura ċċentrata fuq il-pazjent u t-tranżizzjoni mill-kura fl-istituzzjonijiet għall-kura fil-komunità, filwaqt li l-individwu jingħata opportunitajiet aħjar biex ikun jista’ jagħmel għażliet infurmati u jieħu deċiżjonijiet dwar il-kura tiegħu stess;

25.

jissuġġerixxi li l-iżviluppi rapidi fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni, inkluża l-intelliġenza artifiċjali, jiġu segwiti b’aktar attenzjoni biex jippermettu soluzzjonijiet innovattivi futuri għal individwi u pazjenti infurmati aktar, biex il-persunal ikun jista’ jagħmel sforzi ta’ prevenzjoni, u għall-iżvilupp u l-vijabbiltà ekonomika tal-fornituri tal-kura tas-saħħa;

26.

jirrikonoxxi d-daqs tas-suq Ewropew għal robots domestiċi u apparat ieħor li jgħinu lill-anzjani, u jtenni r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-2018 dwar l-ekonomija tal-anzjani (7) li s-suq għar-robotika għandu jiġi żviluppat sabiex jillibera lill-persuni li jindukraw u jgħinu lill-anzjani u lil popolazzjonijiet aktar fraġli;

Aċċessibilità

27.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni mill-koleġislaturi tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità (8);

28.

jinnota t-titjib li ġab miegħu l-Att fir-rigward tal-aċċess għall-ICT, it-terminals ta’ pagament, il-kotba elettroniċi u tagħmir għall-qari ta’ kotba elettroniċi, is-siti tal-Internet u l-apps mobbli, kif ukoll il-magni tal-biljetti;

Il-kura tal-anzjani

29.

huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ tobba ġerjatriċi u infermiera fl-Ewropa, u jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom, flimkien mal-professjoni medika u l-organizzazzjonijiet tal-infermiera, biex jissuġġerixxu modi kif il-professjoni ssir aktar attraenti, kif ukoll biex jikkunsidraw moduli ta’ taħriġ u taħriġ mill-ġdid u skemi ta’ rimborż li jattiraw lil dawn il-gruppi tal-persunal, sabiex aktar tobba jiddeċiedu li jagħżlu l-ġerjatrija bħala l-qasam ta’ speċjalizzazzjoni tagħhom u biex ftit minnhom jagħżlu li jabbandunaw din l-ispeċjalizzazzjoni, u jikkunsidraw anke l-possibbiltà li jimpjegaw mill-ġdid lil persunal irtirat;

30.

huwa konvint mill-valur tat-tagħlim reċiproku, u jirrakkomanda t-trawwim tal-mobbiltà għall-professjonisti tas-saħħa, inklużi t-tobba ġerjatriċi, fl-ispirtu tal-iskema tal-Erasmus Plus;

31.

jaqsam it-tħassib espress mill-Unjoni Ewropea għas-Soċjetà tal-Mediċina Ġerjatrika tal-Unjoni Ewropea (EUGMS) fir-rigward tar-rekwiżiti b’rabta mal-għarfien tat-tobba li jaħdmu fid-djar tal-kura, u jemmen li ċertu taħriġ speċjalizzat jista’ jkun utli kemm għall-forza tax-xogħol tas-saħħa kif ukoll biex tkun żgurata l-aħjar kura possibbli tar-residenti, għalkemm kull Stat Membru huwa liberu li jagħmel l-għażliet ta’ politika tiegħu stess;

It-tlaqqigħ tal-informazzjoni

32.

jirrikonoxxi li l-politiki dwar it-tixjiħ attiv huma sfida soċjali li teħtieġ firxa wiesgħa ta’ għarfien u metodi, mix-xjenza medika u l-psikoloġija, is-soċjoloġija u x-xjenzi soċjali sat-teknoloġija, l-ippjanar urban u l-ekonomija;

33.

jinnota li ħafna bliet u reġjuni qed ifasslu politiki ta’ tixjiħ attiv, liema ħaġa tipprovdi opportunità tajba għall-iskambju tal-ideat; u jistieden lill-muniċipalitajiet u lir-reġjuni li għadhom mhumiex involuti fis-sħubijiet ta’ kooperazzjoni transnazzjonali u s-sħubijiet lokali biex jikkunsidraw il-benefiċċji tat-tagħlim reċiproku u jeżaminaw il-possibilitajiet tal-bosta inizjattivi tal-UE, inklużi s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu, l-Interreg, l-Urbact (9) u ħafna oħrajn;

34.

jikkondividi t-tħassib tal-pubbliku dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ ċerti mediċini fis-suq, u jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga r-raġunijiet għal żieda fid-diffikultajiet għall-aċċess għal tilqim u mediċini madwar l-Unjoni; jirrimarka li pazjenti anzjani ġeneralment jużaw aktar prodotti mediċinali u li saħħithom tista’ tiġi kompromessa serjament jekk ma jkunux jistgħu jirċievu l-mediċini preskritti tagħhom fil-ħin;

35.

ifakkar li l-aċċess għal mediċini essenzjali li jkunu sikuri, effettivi, ta’ kwalità u affordabbli huwa prijorità għall-Ewropej u impenn ewlieni tal-UE skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jibqa’ konvint li l-industrija farmaċewtika Ewropea tista’ twassal dawn il-prodotti u tkompli tagħti spinta lir-rwol tagħha fl-innovazzjoni u t-tmexxija industrijali dinjija;

36.

jirrakkomanda l-qari tal-gwida internazzjonali tad-WHO dwar il-bliet li huma adattati għall-anzjani (10), speċjalment l-għodod tagħha għal dawk li jfasslu l-politika u dawk li jippjanaw fil-livell lokali, “Creating age-friendly environments in Europe” (11); jemmen bis-sħiħ li ambjenti fiżiċi siguri aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-popolazzjoni kollha u jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jippromovu l-bini ta’ abitazzjoni aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà, jimmodernizzaw l-infrastruttura eżistenti u jneħħu l-ostakli għall-mobilità, u jippromovu wkoll l-aċċess għat-trasport pubbliku jew għall-faċilitajiet pubbliċi;

37.

itenni r-rakkomandazzjonijiet espressi fl-Opinjoni tiegħu dwar “Is-saħħa fil-bliet” u għalhekk jistieden lill-komunitajiet lokali jiżviluppaw “politiki [ta’ kwalità tajba] maħsuba biex jiżguraw it-tixjiħ attiv u f’saħħtu fir-rigward tal-benesseri kemm fiżiku kif ukoll mentali, il-ħajja soċjali u [r-]relazzjonijiet, u [jippromovu] l-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ rikreazzjoni fil-belt u programmi interġenerazzjonali, anke biex jiġu miġġielda s-solitudni u l-iżolament”;

38.

jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar is-sistemi tas-saħħa u r-rakkomandazzjoni tiegħu li “l-Istati Membri tal-UE għandhom isaħħu s-sistemi tagħhom tal-kura tas-saħħa primarja sabiex jaqdu l-ħtiġijiet tal-persuni mdaħħlin fl-età, filwaqt li joħolqu ktajjen tal-kura iżjed effettivi u jirrazzjonalizzaw aħjar l-użu tal-isptarijiet”;

39.

huwa konvint li s-sisien tat-tixjiħ attiv u b’saħħtu jiġu stabbiliti fi stadju bikri tal-ħajja u għalhekk jirrakkomanda, f’konformità mal-Opinjoni tiegħu dwar “Inċentivi lokali u reġjonali għall-promozzjoni ta’ dieti sani u sostenibbli”, li “jiġu promossi drawwiet sani fil-konsum tal-ikel, u, fl-istess ħin, jiggwidaw lill-ġenerazzjoni żagħżugħa lejn għażliet tad-dieta aktar sostenibbli”;

40.

jappella biex jiġu sfruttati u mxerrda b’mod aktar mifrux ir-riżultati tal-proġetti Ewropej iffukati fuq it-tixjiħ attiv u b’saħħtu u fuq il-promozzjoni ta’ kura integrata, iffinanzjati minn programmi differenti tal-UE.

41.

josserva li l-attività fiżika għadha titqies bħala xi ħaġa għat-tfal u ż-żgħażagħ, iżda mhux għall-adulti (li 28 % minnhom qatt ma jagħmlu xi tip ta’ eżerċizzju (12)). Ifakkar li l-attività fiżika hija parti ewlenija mit-tixjiħ b’saħħtu u jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jaħdmu mal-atturi lokali (faċilitajiet sportivi, NGOs, assoċjazzjonijiet tal-anzjani, eċċ.) biex iżidu l-aċċessibilità għaċ-ċentri sportivi, il-gyms u l-attività fiżika u jiżviluppaw netwerks ta’ mogħdijiet għall-mixi u għar-roti;

42.

jemmen li huwa inkoraġġanti li r-riċerka (13) tikkonferma l-ħtieġa, fl-etajiet kollha, li jiġi evitat il-mard li jżid id-diżabbiltà. Għalhekk jistieden lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex iżidu l-infiq (attwalment medja ta’ 3 %) fil-baġits tas-servizzi tas-saħħa u l-kura ddedikati għall-prevenzjoni;

L-Isħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu fil-ġejjieni

43.

huwa tal-fehma li, wara l-2020, l-EIP għandha tissejjes fis-sod fil-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni u għandu jkollha rabtiet b’saħħithom mas-Suq Uniku Diġitali, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-qasam tas-saħħa; jipproponi li jinħolqu kuntatti u kooperazzjoni mal-Kummissarju tal-Kummissjoni l-ġdida wara l-elezzjonijiet tal-2019 li jkun jew tkun l-aktar responsabbli mill-qrib għall-qasam tal-politika “Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu”, biex tinstab sħubija innovattiva ġdida;

44.

huwa konvint li l-EIP futura teħtieġ ukoll rabta aktar b’saħħitha mad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali u l-politika u l-prattika reċenti tagħha, pereżempju r-riċetti tat-tabib elettroniċi u l-interoperabbiltà bejn ir-rekords elettroniċi tas-saħħa;

45.

jistenna li l-EIP futura teżamina l-opportunitajiet ta’ akkwist transreġjonali, tidentifika l-ostakli u tippermetti l-ikkummissjonar u t-tixrid aktar veloċi ta’ soluzzjonijiet innovattivi tas-saħħa elettronika;

46.

josserva li waħda mill-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-Ewropa għal tixjiħ attiv u b’saħħtu hija l-implimentazzjoni u l-iskalar ta’ soluzzjonijiet innovattivi transkonfinali, u għalhekk jappoġġja l-inizjattiva dwar “Mill-innovazzjoni sas-suq” tal-EIP dwar it-tixjiħ attiv u b’saħħtu, li għandha l-għan li ttejjeb it-tqabbil tal-provvista (in-negozji, in-negozji ġodda u r-riċerkaturi) mad-domanda (il-fornituri tal-kura tas-saħħa, dawk responsabbli għat-tfassil tal-politiki u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni); huwa konvint li d-djalogu bejn iż-żewġ naħat jista’ jżid l-użu tal-innovazzjonijiet diġitali, u jsaħħaħ il-komunitajiet tan-negozju u dawk akkademiċi, għall-benefiċċju tal-utenti finali.

Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  https://apps.who.int/iris/bitstream/handle/10665/67215/WHO_NMH_NPH_02.8.pdf;jsessionid=F15F61D4E71955EDF2E37D4E8CFE8698?sequence=1

(2)  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/communication-enabling-digital-transformation-health-and-care-digital-single-market-empowering

(3)  Il-KtR wieġeb għal din il-Komunikazzjoni permezz ta’ Opinjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tal-kura tas-saħħa.

(4)  https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2018/05/25/public-finances-conclusions-on-age-related-spending/

(5)  https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=8128&furtherPubs=yes

(6)  https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/ehealth/docs/2018_consultation_dsm_en.pdf

(7)  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/silver-economy-study-how-stimulate-economy-hundreds-millions-euros-year

(8)  http://www.europarl.europa.eu/legislative-train/theme-deeper-and-fairer-internal-market-with-a-strengthened-industrial-base-labour/file-jd-european-accessibility-act

(9)  https://urbact.eu/

(10)  https://www.who.int/ageing/publications/Global_age_friendly_cities_Guide_English.pdf

(11)  http://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0018/333702/AFEE-tool.pdf?ua=1

(12)  https://www.euronews.com/2019/03/28/over-a-quarter-of-europeans-do-not-exercise-at-all-eurostat

(13)  https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S1878764916300699


5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/58


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Trasformazzjoni strutturali soċjoekonomika tar-reġjuni tal-faħam fl-Ewropa

(2020/C 39/12)

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

L-appoġġ għall-għanijiet tal-politika dwar il-klima

1.

jilqa’ l-għanijiet tal-politika dwar il-klima tal-Istati tal-UE. Fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f’Diċembru 2015 f’Pariġi, 197 Stat qablu dwar ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima, li ġie ratifikat ukoll mill-Istati tal-UE. B’dan, l-Istati jimpenjaw ruħhom li jillimitaw it-tisħin globali għal ferm anqas minn 2 °C meta mqabbel mal-era preindustrijali u jagħmlu sforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura medja għal 1,5 °C;

2.

jirrimarka li fil-Komunikazzjoni tagħha għat-tħejjija tas-Summit dwar il-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti li sar f’Katowice, il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li l-UE jeħtiġilha tilħaq newtralità f’termini ta’ impatt fuq il-klima sal-2050 jekk trid tkun ta’ eżempju għad-dinja. Madankollu, sabiex jintlaħaq dan l-għan, jeħtieġ li fl-aħħar mill-aħħar il-karburanti fossili jiġu evitati sal-akbar livell possibbli. B’mod partikolari, jeħtieġ li l-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-faħam titnaqqas b’mod sinifikanti;

3.

jenfasizza l-fatt li attwalment il-faħam għadu jiġi prodott f’41 reġjun tal-livell 2 tan-NUTS fi 12-il Stat Membru (inkluż ir-Renju Unit). Dawn ir-reġjuni jikkondividu l-importanza ekonomika kbira tas-settur tal-faħam u l-oqsma marbuta miegħu tal-valur miżjud u l-impjiegi. Madankollu, dawn ir-reġjuni għandhom ukoll differenzi kbar bejniethom, pereżempju f’termini tal-pożizzjoni ġeografika, tal-iżvilupp ekonomiku u tal-perspettivi demografiċi;

4.

jirrimarka li sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika dwar il-klima, dawn ir-reġjuni se jkollhom jabbandunaw il-ktajjen tal-valur miżjud eżistenti li huma bbażati fuq il-minjieri tal-faħam u jistabbilixxuhom fuq bażi ġdida. Barra minn hekk, jeħtieġ li fit-terminu qasir, medju u twil, dawn jagħlqu wkoll il-minjieri tal-faħam u l-minjieri miftuħa;

5.

jinsisti li l-bidla strutturali soċjoekonomika fir-reġjuni tal-faħam tal-Ewropa qed issir fl-isfond ta’ sforzi li qed jiżdiedu mad-dinja kollha biex il-konsum tal-faħam jiġi eliminat gradwalment. Jiġbed l-attenzjoni, b’mod partikolari, għal sitwazzjoni normali ġdida fiċ-Ċina, li tikkonsma nofs il-produzzjoni dinjija tal-faħam u tirrappreżenta sehem simili ta’ importazzjonijiet globali, u fejn id-domanda domestika tal-faħam issa qed tilħaq il-quċċata, minkejja kapaċità eċċessiva enormi fil-produzzjoni domestika. Jenfasizza wkoll deċiżjoni tal-qorti fl-istat Awstraljan ta’ New South Wales, il-pajjiż li l-aktar jesporta faħam, li għall-ewwel darba waqqfet kumpanija milli tiżviluppa minjieri ġodda minħabba li l-investiment tagħha ma tqiesx li hu konsistenti mal-Ftehim ta’ Pariġi. Għalhekk, jappoġġja l-kooperazzjoni internazzjonali li takkumpanja l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam, bħal pereżempju Powering Past Coal Alliance, li tinkludi, fost l-oħrajn, 30 gvern nazzjonali u 22 gvern sottonazzjonali;

Il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-proċess tat-trasformazzjoni

6.

jenfasizza l-fatt li t-tnaqqis ulterjuri maħsub tal-produzzjoni tal-faħam u tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mħaddma mill-faħam se jkun akkumpanjat minn trasformazzjoni sinifikanti fl-istruttura ekonomika, b’rabta ma’ tnaqqis massiv fl-impjiegi, fil-valur miżjud u fil-kapaċità tal-akkwist f’dawn ir-reġjuni. Il-maġġoranza tar-reġjuni tal-faħam huma żoni industrijali tradizzjonali, fejn l-industrijalizzazzjoni kienet marbuta mal-użu tar-riżorsi naturali lokali. Għaldaqstant, ir-reġjuni huma marbuta b’mod partikolari mal-industriji tal-ħadid, tal-azzar u tal-metall, l-industrija tal-kimika u industriji oħra li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija; l-għan għandu jkun li tissawwar bidla strutturali fir-reġjuni tal-faħam inkwistjoni, b’mod li jkun ekonomikament ta’ suċċess, ambjentalment sostenibbli u, fuq kollox, soċjalment aċċettabbli, bil-ħsieb li tinkiseb ekonomija aktar diversifikata u b’livell baxx ta’ karbonju;

7.

ifakkar li bħalissa, il-produzzjoni tal-faħam għadha tħaddem 185 000 persuna madwar l-Ewropa, u 52 000 persuna oħra jaħdmu fil-ġenerazzjoni tal-enerġija mħaddma mill-faħam. L-industrija tal-faħam hija wkoll indirettament marbuta ma’ setturi differenti tal-industrija, bħalma huma l-manifattura ta’ inputs, tagħmir, servizzi u prodotti għall-konsumatur. Skont stimi ta’ studju tal-Kummissjoni Ewropea, 215 000 impjegat ieħor jiddependu fuq dawn ir-rabtiet. Skont dan l-istudju, il-pjani attwali biex jitneħħew gradwalment il-minjieri tal-faħam u l-ġenerazzjoni tal-enerġija mħaddma mill-faħam jistgħu jirriżultaw f’telf ta’ madwar 160 000 impjieg sal-2030;

8.

jirrimarka li l-Istati tal-UE qablu li jkunu minn ta’ quddiem nett fit-tranżizzjoni globali lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju u ekonomija ċirkolari. Il-bidla profonda fis-sistema kollha tal-enerġija se tirriżulta kemm f’piżijiet kif ukoll f’opportunitajiet. It-tranżizzjoni tal-enerġija li ġiet imnedija diġà ħolqot ħafna impjiegi ġodda fl-Ewropa u għandha titkompla fid-dawl tal-ħtiġijiet futuri. Għandha tingħata attenzjoni biex ir-reġjuni tal-faħam jibbenefikaw minn dan l-iżvilupp. L-istrateġija Ewropea għall-ilħuq tal-għanijiet klimatiċi għandha tqis il-konsegwenzi li jkollhom jiffaċċjaw ir-reġjuni;

9.

ifakkar li l-esperjenza li nkisbet s’issa mir-reġjuni tal-faħam turi li dawn il-proċessi tat-trasformazzjoni jieħdu ħafna żmien. Għalhekk, wasal iż-żmien li jiġu żviluppati perspettivi ġodda għar-reġjuni tal-faħam u li jittieħdu miżuri. Dan jirrikjedi li jsiru sforzi kbar fil-livelli kollha;

10.

jenfasizza li sabiex l-istruttura ekonomika tiġi ttrasformata b’suċċess, jeħtieġ li l-ħaddiema kkonċernati tal-industrija tal-faħam jingħataw perspettivi ġodda. Dan jinkludi li jkunu kkwalifikati għal impjiegi ġodda. Barra minn hekk, għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess għal impjiegi ġodda fir-reġjun jew fir-reġjuni tal-viċinat;

Il-promozzjoni tat-trasformazzjoni soċjoekonomika fir-reġjuni tal-faħam

11.

jinsab konvint li t-tranżizzjoni tal-enerġija fil-mira, u għalhekk il-bidla strutturali fir-reġjuni tal-faħam, hija kompitu Ewropew. Dan jeħtieġ li jittieħed approċċ olistiku, li jkun jinkludi b’mod partikolari miżuri relatati mal-iżvilupp tal-infrastruttura, l-innovazzjoni, ir-riċerka u x-xjenza, it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-intrapriżi, l-iżvilupp tal-ħiliet, il-kummerċjalizzazzjoni, il-kultura u t-turiżmu;

12.

jirrimarka li sabiex ikun hemm trasformazzjoni strutturali sostenibbli fir-reġjuni, jeħtieġ li jintużaw il-vantaġġi eżistenti. L-istrutturi industrijali u tas-settur tal-enerġija eżistenti għandhom jibnu l-bażi għall-iżvilupp futur u jqisu ċ-ċikli tal-innovazzjoni u tal-investiment tal-atturi industrijali eżistenti. Għalhekk, jeħtieġ li nibnu fuq ir-raggruppamenti industrijali reġjonali u l-ħiliet operazzjonali, il-ħiliet tal-professjonisti u l-vantaġġi eżistenti fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp;

13.

jirrimarka li minħabba din is-sitwazzjoni, hemm ir-riskju li fir-reġjuni affettwati se jiġu żviluppati strateġiji simili ħafna għall-proċess tat-trasformazzjoni. Sabiex jiġu evitati l-ineffiċjenzi, pereżempju permezz ta’ żviluppi paralleli, jeħtieġ li jkun hemm skambju reċiproku fil-livell Ewropew;

14.

jilqa’ għalhekk il-“Pjattaforma għat-Tranżizzjoni taż-Żoni tal-Faħam”, li ġiet stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea u li ltaqgħet għall-ewwel darba fil-11 ta’ Diċembru 2017. L-għan tal-pjattaforma huwa li tappoġġja lill-41 reġjun tal-faħam fi 12-il Stat Membru tal-UE fl-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw l-istruttura ekonomika tagħhom u biexiħejju ruħhom għall-bidla strutturali u teknoloġika. Dan ix-xogħol għandu jiġi intensifikat aktar;

15.

jemmen li din il-pjattaforma tista’ tintuża bħala strument interreġjonali sabiex tingħata għajnuna teknika fil-livell tal-UE lis-servizzi tal-Kummissjoni, fejn ikun meħtieġ, permezz tal-iskambju tal-esperjenzi u aċċess ikkoordinat;

16.

jenfasizza li l-kooperazzjoni interreġjonali u transkonfinali, bħal fil-qafas tal-inizjattivi eżistenti bħalma hija l-Inizjattiva Vanguard jew b’rabta ma’ approċċ ibbażat fuq il-post għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, għandha taqdi rwol importanti fl-approċċ tat-trasformazzjoni strutturali: Anke f’dan il-qasam l-UE tista’ taqdi rwol aktar b’saħħtu, sabiex tniedi u tippromovi tali kooperazzjoni;

17.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ ambjent aktar sikur għall-investimenti fit-tul u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. Jeħtieġ li, sa fejn ikun possibbli, il-ktajjen tal-valur eżistenti fir-reġjuni jiġu estiżi akar. Il-KtR jenfasizza l-ħtieġa li jiġi mħeġġeġ l-investiment pubbliku u privat b’mod partikolari fil-kuntest tat-tkabbir ekonomiku attwali, sabiex jissaħħu l-investimenti fil-modernizzazzjoni u fid-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi industrijali, tat-trasport u tal-enerġija Ewropej;

18.

jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità innovattiva tar-reġjuni. Il-KtR iħeġġeġ lir-reġjuni tal-faħam biex jiżviluppaw strateġija biex jappoġġjaw in-negozji eżistenti fl-isforzi tagħhom għall-innovazzjoni, kif ukoll għall-ħolqien ta’ negozji ġodda, b’mod partikolari f’oqsma orjentati lejn il-futur bħad-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali. F’dan il-kuntest, huwa estremament importanti li jittejjeb il-qafas ġenerali għan-negozji ġodda. Il-KtR jirrimarka li f’bosta reġjuni tal-faħam l-impjegaturi industrijali, kummerċjali u artiġjanali huma pjuttost żgħar;

19.

jemmen li s-settur tax-xjenza jaqdi rwol ċentrali fl-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni. Ir-reġjuni tal-faħam għandhom għalhekk jippromovu wkoll it-twaqqif ta’ universitajiet b’enfasi fuq teknoloġiji futuri li jistgħu jservu ta’ clusters għat-twaqqif ta’ kumpaniji. Madankollu, f’dan il-qasam il-koordinazzjoni fuq livell Ewropew hija partikolarment meħtieġa sabiex jiġu evitati strutturi ineffiċjenti. Barra minn hekk, jeħtieġ li hawnhekk tiġi promossa l-kooperazzjoni interreġjonali fir-riċerka;

20.

jemmen li infrastruttura moderna u effiċjenti tat-trasport u tal-enerġija kif ukoll infrastruttura diġitali huma prerekwiżit għal trasformazzjoni strutturali ta’ suċċess, sabiex tissaħħaħ l-attraenza tat-territorji bħala ċentri ekonomiċi għall-istabbiliment ta’ intrapriżi. F’dan ir-rigward huma utli wkoll koordinazzjoni madwar l-Ewropa u netwerking aktar b’saħħtu;

Appoġġ finanzjarju lir-reġjuni tal-faħam

21.

jenfasizza li l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda fir-reġjuni huwa proċess twil li jeħtieġ riżorsi finanzjarji sinifikanti. Il-KtR jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tar-reġjuni tal-faħam jeħtieġu appoġġ għal dan, speċjalment peress li fil-bidu jitilfu d-dħul minħabba t-tneħħija gradwali tal-produzzjoni tal-faħam u tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mħaddma mill-faħam. Il-parti l-kbira tal-investimenti għall-iżvilupp ekonomiku jeħtieġ li jiġu pprovduti permezz ta’ fondi pubbliċi mill-Istati Membri kkonċernati jew billi jiġi attirat investiment privat ġdid. F’dan il-kuntest, il-KtR jistieden l-ewwel lill-Istati Membri kkonċernati biex jipprovdu biżżejjed riżorsi finanzjarji u riżorsi oħrajn għal dan;

22.

huwa tal-fehma li l-wirt kulturali u industrijali li jirriżulta mill-passat għani, kif ukoll l-infrastruttura u t-tradizzjoni tal-isport għandu jkollhom rwol pożittiv f’din it-trasformazzjoni u m’għandhomx jitqiesu biss bħala wirt oneruż ta’ jiem aħjar fl-imgħoddi;

23.

jitlob li t-trasformazzjoni strutturali tiġi appoġġjata wkoll fil-livell Ewropew; B’mod partikolari, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali diġà jikkostitwixxi għodda importanti għat-tisħiħ tar-reġjuni. Il-Fond Soċjali Ewropew, Orizzont 2020, u r-riżorsi tal-Bank Ewropew tal-Investiment jagħtu wkoll kontribut importanti għall-iżvilupp reġjonali. Madankollu, il-KtR jirrimarka li l-fondi allokati f’dan ir-rigward mhumiex iffukati direttament fuq ir-reġjuni tal-faħam u huma ftit wisq fid-dawl tal-isfidi li qed jiffaċċjaw ir-reġjuni tal-faħam u li minnhom jistgħu jibbenefikaw ukoll żoni oħra. Il-KtR jitlob għalhekk li jiġu pprovduti fondi addizzjonali mfassla apposta għall-ħtiġijiet tar-reġjuni tal-faħam;

24.

jenfasizza li f’dawn iż-żoni l-appoġġ finanzjarju mill-UE huwa partikolarment utli, peress li l-proġetti għandhom jiġu implimentati bejn l-fruntieri nazzjonali. Peress li bħalissa r-reġjuni kollha tal-faħam għaddejjin minn tibdil strutturali, il-kollaborazzjoni bejn ir-reġjuni fl-iżvilupp ta’ proġetti li jħarsu lejn il-ġejjieni hija partikolarment promettenti. F’dan ir-rigward jista’ jkun utli wkoll li fl-istrateġiji jiġu inklużi ż-żoni fil-qrib, sabiex jinħolqu unitajiet funzjonali;

25.

jappoġġja, f’dan il-kuntest, it-talba tal-Parlament Ewropew fin-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għal finanzjament addizzjonali biex jittaffa l-impatt soċjali, soċjoekonomiku u ambjentali tal-bidla strutturali fir-reġjuni tal-faħam Ewropej permezz ta’ Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta tal-Enerġija ġdid ta’ EUR 4,8 biljun; jenfasizza, madankollu, li dan il-fond ikollu jiġi ffinanzjat permezz ta’ riżorsi addizzjonali u mhux mill-pakkett ipprovdut għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej; jilqa’ l-fatt li l-President elett tal-Kummissjoni esprima wkoll l-appoġġ fil-linji gwida politiċi ppreżentati f’Lulju 2019 għall-prinċipju ta’ dan il-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta tal-Enerġija;

26.

iqis, madankollu, li l-finanzjament għandu jkollu rabta mill-qrib mal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li l-KtR jappella li jsiru sforzi biex jiġi żgurat li dan il-finanzjament ma jiġix ikkalkulat fil-limiti proposti tal-Anness XXII, iżda jsir disponibbli bħala finanzjament addizzjonali. Dan il-finanzjament addizzjonali, imbagħad, jista’ jintuża biex jissaħħu l-programmi tal-FEŻR u tal-FSE għal dawn ir-reġjuni NUTS 2 matul is-seba’ snin li ġejjin. Din ir-rabta mill-qrib tkun tippermetti wkoll li jiġi pprovdut appoġġ imfassal apposta għar-reġjuni kollha tal-faħam. Dawn il-fondi għandhom jippromovu b’mod attiv il-valur miżjud Ewropew u jkunu miftuħa għar-reġjuni kollha tal-faħam affettwati mit-trasformazzjoni strutturali. Il-kriterji għall-allokazzjoni jistgħu jinkludu l-impjieg totali fil-minjieri tal-faħam u l-ammont tal-produzzjoni tal-faħam fis-sena referenzjarja tal-2019, ir-reġjuni li diġà bdew jagħlqu l-minjieri u li għaddew minn dawn it-tranżizzjonijiet b’mod parzjali, ma għandhomx jiġu esklużi sakemm l-estrazzjoni tal-faħam tkun għadha qed isseħħ;

27.

jitlob li dawn il-fondi, bl-istess mod tal-finanzjament tal-FEŻR, jiġu allokati direttament lir-reġjuni fejn jinsabu dawn il-minjieri tal-faħam. L-appoġġ għar-reġjuni affettwati jiġi marbut ma’ strateġija speċifika għat-tneħħija gradwali tal-faħam, ivvalutat abbażi ta’ miri verifikabbli;

28.

jissuġġerixxi li din l-allokazzjoni tiġi ffinanzjata minn riżorsi previsti għall-istrument ta’ implimentazzjoni tar-riforma taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;

29.

jistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jinkludu din il-proposta għal allokazzjoni tranżitorja speċifika fin-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;

Ir-rieżami tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat

30.

jirrimarka li l-liġi Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi rrispettata, filwaqt li jfakkar li l-qafas attwali tal-għajnuna mill-Istat se jiskadi fl-2020, sakemm l-applikabbiltà tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma tiġix estiża b’sentejn (sal-aħħar tal-2022). Il-KtR jistieden lill-Kummissjoni biex meta tfassal il-linji gwida ġodda, tqis ukoll il-problemi relatati mat-trasformazzjoni strutturali li jiffaċċjaw ir-reġjuni tal-faħam u b’hekk tiżgura li dawn ir-reġjuni tal-faħam jingħataw biżżejjed flessibbiltà sabiex ikunu jistgħu jillimitaw l-impatti soċjali u ekonomiċi li jirriżultaw mit-tneħħija gradwali tal-faħam;

31.

jenfasizza, mill-perspettiva tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat, li diġà huwa possibbli li jiġu ffinanzjati proġetti li jinvolvu kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari proġetti ta’ interess komuni Ewropew. L-Istituzzjonijiet Ewropej responsabbli għandhom jipprovdu lir-reġjuni b’pariri aktar intensivi fir-rigward tal-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ tali proġetti;

32.

jappella, f’dan il-kuntest, biex ir-reġjuni tal-faħam jidentifikaw żoni li jirrikjedu appoġġ speċjali skont l-Artikolu 107(3)(a) u (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u li l-liġi tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat tiġi adattata għal dawn ir-reġjuni speċjali sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri li jindirizzaw it-trasformazzjoni strutturali, li għandhom jikkumpensaw għar-rinunzja tal-ħolqien tal-valur miżjud minn għanijiet politikament superjuri. Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat jekk tali miżuri ta’ appoġġ jistgħux ikunu bbażati fuq l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE minħabba l-importanza prominenti u eżemplari tar-rikostruzzjoni adattata għall-klima tar-reġjuni tal-faħam għall-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-enerġija u l-klima. Sabiex dawn il-kwistjonijiet jiġu riżolti fil-ħin, qed ikun propost li kemm jista’ jkun malajr jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma konġunt magħmul minn rappreżentanti tar-reġjuni tal-faħam u tal-Istati Membri interessati, id-Direttorati Ġenerali għall-Kompetizzjoni u l-Politika Reġjonali u l-KtR.

Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/62


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Id-deni Afrikan tal-ħnieżer u s-suq tal-majjal tal-UE

(2020/C 39/13)

Relatur

:

Sławomir SOSNOWSKI (PL/PPE), Kunsillier tal-Provinċja ta’ Lubelskie

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kuntest politiku

1.

josserva li d-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa theddida u sfida fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew u li għalhekk huwa neċessarju li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jwieġeb għal din il-problema bħala l-istituzzjoni li hija l-vuċi tal-komunitajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea u jipparteċipa fil-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati kollha biex jiġġieldu dan il-virus perikoluż ħafna;

2.

jenfasizza li l-epidemija tad-deni Afrikan tal-ħnieżer hija theddida għall-ambjent, l-ekonomija u, l-aktar importanti, għan-nies li jgħixu f’żoni rurali u li huma involuti fil-produzzjoni tal-ħnieżer l-aktar fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

3.

iqis li l-ġlieda kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer tgħaqqad flimkien l-għanijiet tal-politika fil-politika agrikola komuni u fl-ambjent u f’oqsma oħrajn ta’ politika u finanzjament li jindirizzaw kwistjonijiet bħall-isfidi tas-soċjetà u l-iżvilupp reġjonali, biex b’hekk jiġi żgurat approċċ koerenti f’diversi setturi; fi ħdan il-previżjonijiet tal-baġit tal-2020 għal miżuri ta’ appoġġ agrikolu kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer, jappoġġja l-proposta ta’ EUR 50 miljun għal miżuri ta’ emerġenza u EUR 28 miljun għall-iżvilupp ta’ vaċċin/mediċina kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer;

4.

jirrikonoxxi li d-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa sfida internazzjonali. Ir-reġjuni Ewropej għandhom juru solidarjetà mat-theddida li hemm minħabba d-deni Afrikan tal-ħnieżer fiż-żoni rurali, l-ekonomija rurali u l-ipproċessar agrikolu. Il-ħeffa li biha l-virus infirex għal-livell attwali tiegħu tista’ twassal għall-kollass tas-suq Ewropew tal-majjal u jċaħħad mijiet ta’ eluf ta’ bdiewa mis-sors ta’ dħul tagħhom. Din hija problema li m’għadhiex lokali jew reġjonali, iżda saret theddida pan-Ewropea. Il-marda attwalment hija preżenti f’bosta pajjiżi Ewropej:

Il-Polonja (1 492 każ u tifqigħa waħda),

Il-Litwanja (728 każ ta’ mard fiċ-ċingjali),

Il-Latvja (286 każ),

L-Estonja (150 każ),

L-Ukrajna (26 każ, 22 tifqigħa fil-ħnieżer),

L-Estonja (25 każ),

L-Italja (24 każ, 2 tifqigħat),

Ir-Rumanija (3 tifqigħat)

* data mill-1 ta’ Jannar sal-15 ta’ April 2018;

5.

jemmen li l-għotja msemmija fl-Artikolu 5(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) għandha dejjem tammonta għal 100 %, f’każ li jiġi kkonfermat każ tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, minħabba li l-marda hija theddida li għandha impatt kbir fuq is-saħħa pubblika u effetti ta’ tfixkil fuq l-ekonomija;

6.

jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-ħtieġa ta’ kooperazzjoni transkonfinali fuq l-istess livell ta’ dik adottata fil-każ ta’ diżastri naturali; jirrimarka li l-problema tikkonċerna wkoll l-fruntieri esterni tal-UE, iżda jemmen li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali huwa essenzjali u neċessarju. Il-Kumitat jinnota li hemm ħtieġa ulterjuri u kontinwa ta’ azzjoni flimkien bejn il-fruntieri biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni fil-pajjiżi ġirien tal-UE (il-Federazzjoni Russa, l-Ukrajna, il-Belarus, il-Moldova);

7.

jirrikonoxxi għadd ta’ riskji ekonomiċi u soċjali li jistgħu jiskattaw kaġun tad-deni Afrikan tal-ħnieżer. Flimkien mat-tħassib dwar is-saħħa pubblika u l-impatt fuq is-suq Ewropew tal-majjal, jistgħu jkunu affettwati fergħat oħrajn tal-ekonomija bħat-turiżmu, il-forestrija, l-ipproċessar tal-laħam u l-kummerċ. Id-deni Afrikan tal-ħnieżer jaffettwa wkoll l-immaġni tal-pajjiżi individwali, iżda anke tal-UE fl-intier tagħha;

Il-miżuri proposti

8.

jilqa’ l-ħidma tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea fil-ġlieda kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer fi ħdan il-perspettiva finanzjarja attwali, iżda jemmen li hemm il-ħtieġa li jiġu ppjanati riżorsi addizzjonali fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, inkluż infiq sinifikanti fuq ir-riċerka xjentifika li għandu l-għan li jiżviluppa vaċċin effettiv kontra dan il-virus;

9.

jappella li tiġi allokata għotja transkonfinali speċjali li tiġġieled id-deni Afrikan tal-ħnieżer bħala parti minn proġetti li jitwettqu b’mod konġunt minn tal-anqas żewġ pajjiżi;

10.

jemmen li fil-livell tal-Istati Membri u fil-livell tal-Kummissjoni Ewropea, għandhom isiru diskussjonijiet intensivi mal-pajjiżi terzi msemmijin hawn fuq dwar azzjoni konġunta u koerenti fil-ġlieda kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer u li għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li dawn l-azzjonijiet jiġu appoġġjati permezz ta’ programmi transkonfinali dwar is-sikurezza tal-ikel. CORLEAP tista’ tkun forum xieraq biex jiġu diskussi azzjonijiet transfruntiera bħal dawn;

11.

jistieden u jħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha:

(a)

l-awtoritajiet lokali u reġjonali,

(b)

il-kaċċaturi u l-bdiewa,

(c)

is-servizzi veterinarji,

(d)

l-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stati Membri individwali,

(e)

il-midja

biex jaqdu rwol attiv u dinamiku fil-proċess tal-ġlieda kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Ewropa taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA);

12.

jappella li jkun hemm aktar finanzjament għal attivitajiet edukattivi u informattivi fost il-partijiet interessati bil-għan li titqajjem kuxjenza pubblika dwar il-marda, dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontriha, peress li d-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa theddida enormi għall-iżvilupp rurali, għall-ekonomija lokali u reġjonali, għall-ambjent, għall-biedja u, b’riżultat ta’ dan, għall-bnedmin u s-saħħa pubblika b’mod partikolari;

13.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex ixerrdu informazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-diliġenza dovuta għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-marda, u biex ikomplu jikkooperaw fil-promozzjoni tal-bijosigurtà, b’mod partikolari fl-azjendi agrikoli żgħar, u biex jieħdu aktar miżuri konġunti f’każ ta’ tifqigħa fiż-żoni tal-fruntiera. Din l-informazzjoni għandha tingħata lil kull min għandu l-ħnieżer u kwalunkwe persuna oħra li tiġi f’kuntatt maċ-ċingjali;

14.

jistieden lill-kaċċaturi jintensifikaw is-sorveljanza epidemjoloġika tal-fawna selvaġġa fiż-żona infettata u jżidu l-kaċċa fejn hemm ammont eċċessiv ta’ ċingjali. Il-Kumitat jirrikonoxxi li, minkejja li ma ntlaqatx mill-marda, in-nies – b’mod partikolari l-kaċċaturi – jistgħu jikkawżaw it-tixrid tal-mard permezz ta’:

kwalunkwe kuntatt ma’ annimali infettati, annimali ħajjin jew mejtin (karkassi),

kuntatt ma’ kwalunkwe ħaġa kkontaminata mill-virus (eż. ħwejjeġ, vetturi, tagħmir ieħor),

it-tmigħ ta’ laħam jew prodotti tal-laħam minn annimali infettati (eż. zalzett jew laħam mhux imsajjar) jew skart li jkun fih laħam ikkontaminat (eż. skart tal-kċina, tmigħ ta’ swill, inkluż il-ġewwieni);

15.

jemmen li l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-marda tiddependi primarjament mid-daqs tal-popolazzjoni taċ-ċingjali. Għalhekk għandha tittieħed azzjoni biex il-popolazzjoni taċ-ċingjali fir-reġjuni kkonċernati titnaqqas għal numri reġjonalment xierqa. Barra minn hekk, għandhom jiġu promossi programmi ta’ kooperazzjoni bejn is-settur agrikolu u dak ambjentali (ġestjoni tal-kaċċa, projbizzjoni ta’ għalf addizzjonali sakemm ma jkunux meħtieġa għall-kaċċa (għalf biex jattira l-annimali selvaġġi), prattiki agrikoli) adattati għas-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat Membru;

16.

japprezza l-ħidma li saret s’issa mill-Kummissjoni Ewropea biex tiġġieled id-deni Afrikan tal-ħnieżer u fl-istess ħin jissuġġerixxi li l-KE qed tippjana aktar għotjiet, inkluż fil-programm ġdid Orizzont Ewropa, għall-azzjoni f’dan il-qasam, peress li s-sejħiet għal proposti kollha li jikkonċernaw id-deni Afrikan tal-ħnieżer fi ħdan il-programm Orizzont 2020 bħalissa huma magħluqin;

17.

jemmen li l-UE għandha tagħti appoġġ speċjali lill-irziezet affettwati mid-deni Afrikan tal-ħnieżer bil-modi li ġejjin:

(a)

ir-rimborż tal-valur ekwivalenti ta’ merħliet li ntremew, mingħajr l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet addizzjonali,

(b)

l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ sussidju storiku għal perjodu ta’ ħames snin minn tmiem il-produzzjoni kaġun tad-depopolazzjoni tal-merħla,

(c)

l-assistenza finanzjarja biex l-irziezet jiġu orjentati mill-ġdid lejn żona oħra ta’ produzzjoni,

(d)

assistenza fl-implimentazzjoni tal-miżuri kollha ta’ bijosigurtà għal azjendi individwali li jkomplu jrabbu u jsemmnu l-ħnieżer, kif ukoll fil-każ ta’ piż finanzjarju f’każ ta’ kriżi bbażata fuq il-miżuri adottati (eż. spezzjonijiet, dispożizzjonijiet tat-trasport),

(e)

appoġġ fil-każ ta’ telf ta’ dħul għall-bdiewa li jrabbu u jżommu l-ħnieżer b’riżultat tal-instabbiltà tas-suq tal-laħam tal-majjal,

(f)

assistenza għall-azjendi agrikoli li jridu jżidu l-produzzjoni tal-ħnieżer bl-użu tal-bijosigurtà fl-azjendi agrikoli tagħhom,

(g)

appoġġ lil azjendi milquta minn restrizzjonijiet fir-rigward tal-produzzjoni tal-pjanti bħala riżultat tad-deni Afrikan tal-ħnieżer,

(h)

assistenza għal azjendi li wettqu l-qatla fl-azjenda u pproduċew fuq skala żgħira,

(i)

ir-rimi taċ-ċingjali mejtin kollha bi spiża għall-istat;

18.

jinsab imħasseb dwar it-tixrid ulterjuri tal-virus tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli l-isforzi tagħha biex tissorvelja u tevalwa l-azzjonijiet biex jiġi miġġieled id-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-livell tal-UE bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1.


5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/65


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-pastoraliżmu

(2020/C 39/14)

Relatur

:

Jacques BLANC (FR/PPE), Sindku ta’ La Canourgue

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

iqis li ż-żamma tal-attività pastorali hija essenzjali għall-preservazzjoni tal-agrikoltura fit-territorji kollha u għaż-żamma ta’ nisġa rurali ħajja sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-koeżjoni territorjali stabbilit fit-Trattat ta’ Lisbona, iżda wkoll biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali, klimatiċi u tal-protezzjoni tal-bijodiversità tagħna;

2.

ifakkar li l-kontinwazzjoni tal-attività pastorali hija mhedda minn diffikultajiet ta’ diversi tipi li ma jistgħux jiġu prijoritizzati u li japplikaw b’mod differenti f’reġjuni differenti, iżda li wħud minnhom b’mod indvidwali jistgħu jheddu s-sopravivenza tagħha: diffikultajiet biex tiġi kkunsidrata l-ispeċifiċità tagħha għall-allokazzjoni tal-għajnuna fi ħdan il-Politika Agrikola Komuni (il-mergħat bl-arbuxelli u msaġġra, il-mobbiltà, il-mergħat kollettivi...), diffikultajiet relatati mal-kuntest ekonomiku, il-kompetizzjoni fuq l-art, diffikultajiet fit-trasferiment tal-għarfien, il-limitazzjonijiet ambjentali għall-organizzazzjoni tal-mergħat, il-kompetizzjoni mal-utenti l-oħra tal-mergħat fir-rigward tal-użu u, b’mod partikolari, l-użu għal skopijiet ta’ divertiment, u, fl-aħħar nett, it-theddida tal-karnivori l-kbar għall-merħliet;

3.

jitlob li fl-orjentazzjoni mill-ġdid tal-appoġġ tal-PAK, tittieħed kunsiderazzjoni akbar tal-pastoraliżmu u t-trobbija estensiva u sostenibbli tal-bhejjem fid-dawl tal-fatt li r-rwol tagħhom iġib benefiċċji għall-iżvilupp ibbilanċjat tat-territorji u sabiex jinkisbu l-objettivi ambjentali u klimatiċi tagħna, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni tal-Kumitat dwar ir-riforma tal-PAK;

4.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kumitat AGRI tal-Parlament dwar ir-regolament li jirregola l-appoġġ għall-pjani strateġiċi li l-Istati Membri jeħtieġ li jistabbilixxu fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni, li għandha l-għan li temenda l-Artikolu 4 tar-regolament dwar il-pjani strateġiċi tal-PAK sabiex iż-żoni tar-ragħa bl-arbuxelli u msaġġra jkunu rikonoxxuti bħala żoni ta’ produzzjoni agrikola eliġibbli b’intitolamenti għall-pagament bażiċi; madankollu jitlob li l-verżjoni definittiva ta’ dan l-artikolu tiġi riveduta sabiex jiġi introdott il-kunċett ta’ żoni pastorali li jista’ jkollhom jew le riżorsi erbaċej (pereżempju taħt is-siġar). Fil-fatt, biex jiġi ċċarat l-istatus taż-żoni pastorali u l-eliġibbiltà tagħhom għall-għajnuna, iż-żoni pastorali għandhom jiġu rikonoxxuti bħala żona agrikola distinta mill-bwar permanenti. Iż-żona pastorali għandha tiġi definita b’mod separat mill-bur permanenti, billi titneħħa kull referenza għall-preżenza meħtieġa ta’ riżorsi erbaċej fid-definizzjoni taż-żoni pastorali; il-bwar permanenti u ż-żoni pastorali kollha jistgħu jinġabru flimkien taħt id-denominazzjoni ta’ mergħat permanenti;

5.

jirrakkomanda li ż-żoni pastorali użati jkunu rikonoxxuti bis-sħiħ bħala żoni ta’ produzzjoni agrikola f’qafas regolatorju stabbli u sigur, filwaqt li jiġi introdott limitu massimu effettiv tal-appoġġ tal-PAK bħalma jsir għal setturi oħra;

6.

ifakkar li t-trobbija pastorali tal-bhejjem, ibbażata fuq l-ambjent naturali għall-għalf tal-merħliet b’riżorsi spontanji, tirrikjedi marġni ta’ flessibbiltà u sigurtà sabiex tiffaċċja l-inċertezzi tat-temp. Għaldaqstant, il-bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem għandhom bżonn żoni msejħa “żoni ta’ lqugħ”, li m’għandhomx għalfejn jintużaw kull sena jew jistgħu jintużaw bħala mergħat b’intensitajiet varjabbli ħafna, iżda li huma neċessarji f’każ ta’ nixfa staġjonali; ġeneralment dawn ikunu xagħri, żoni alluvjali u boskijiet; minħabba t-tibdil fil-klima attwali hemm bżonn akbar li jintużaw dawn iż-żoni; id-dispożizzjonijiet ta’ rikonoxximent taż-żoni pastorali fl-ewwel pilastru għandhom jirrikonoxxu u jiżguraw iċ-ċertezza legali tal-użu ta’ dawn iż-żoni, li ma jsirx kull sena u ma jistax jiġi previst fid-data tat-tressiq tad-dossiers tal-PAK. Bl-istess mod, il-pastoraliżmu jiżviluppa prattiki agroekoloġiċi ta’ skambji ta’ servizzi tal-ekosistema billi jagħmel użu komplementari minn żoni allokati għal użu ieħor, b’mod partikolari l-vinji u l-imsaġar, li jippromovi t-tnaqqis tal-inputs u tal-prattiki mekkanizzati; il-politiki Ewropej għandhom jirrikonoxxu, iħeġġu u jsibu soluzzjonijiet legalment sikuri li jippermettu l-iżvilupp ta’ dawn il-prattiki, li jiżguraw li l-bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem jużaw żoni ddikjarati minn bdiewa oħra. Bl-istess mod, il-pastoraliżmu jiżviluppa prattiki assoċjati mas-silvikultura, imsejħa “silvipastoraliżmu”, li huma ta’ benefiċċju reċiproku għall-forestier kif ukoll għall-bidwi; il-politiki pubbliċi Ewropej għandhom jirrikonoxxu u jħeġġu l-użu mħallat ta’ dawn iż-żoni u dawn il-prattiki partikolarment favorevoli, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-ħarsien tal-foresti min-nirien kif ukoll għall-adattament tat-trobbija tal-bhejjem għat-tibdil fil-klima, u li jirrispettaw il-ħtiġijiet tar-riġenerazzjoni u tal-produzzjoni tal-forestrija;

7.

jappoġġja l-proposta tal-Kumitat ENVI tal-Parlament Ewropew dwar ir-regolament li jirregola l-appoġġ għall-pjani strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni, li għandha l-għan li tiddefinixxi limiti fuq id-densità tal-istokk tal-annimali fl-azjenda agrikola u li tillimita s-sussidji għall-azjendi li josbqu dawn il-limiti;

8.

jilqa’ l-proposta mill-Kumitat AGRI tal-Parlament biex jemenda l-Artikolu 68 tal-istess Regolament sabiex il-FAEŻR ikun jista’ jkompli jappoġġja x-xiri ta’ klieb għall-protezzjoni tal-bhejjem mill-predaturi l-kbar imħarsa mid-Direttiva dwar il-Ħabitats;

9.

jitlob li jsir obbligatorju, għall-Istati Membri bil-muntanji, li jimplimentaw politika tar-reġjuni muntanjużi integrata li tagħmel użu mmirat minn parti kbira tal-għodod disponibbli (pagamenti għal għajnuna għal restrizzjonijiet naturali, għajnuna għal żoni żvantaġġati taħt it-tieni pilastru, sottoprogramm speċifiku għaż-żoni muntanjużi) u li jallokawlha baġit li jirrifletti l-kobor ta’ dawn it-territorji;

10.

jitlob lill-UE tirrikonoxxi s-servizzi tal-ekosistema pprovduti mill-bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem u mis-sidien tal-foresti fiż-żoni muntanjużi u fiż-żoni tal-Mediterran bħala dawk li għandhom l-għarfien lokali fis-sens tal-IPBES (Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi), u jingħata kumpens ġust għal dawn is-servizzi tal-ekosistemi pprovduti għall-benesseri tal-popolazzjoni kollha;

11.

jixtieq li kull Stat Membru jkollu l-possibbiltà li japplika ċerti miżuri tal-ewwel pilastru (skemi ekoloġiċi) u tat-tieni pilastru fiż-żoni pastorali kollha, u mhux biss fiż-żoni eliġibbli għall-għajnuna. Fil-fatt, ċerti miżuri, pereżempju ċerti miżuri agroambjentali klimatiċi lokalizzati bħad-DFCI (“défense de la forêt contre les incendies”– “il-ħarsien tal-foresti kontra n-nirien”), għandhom ikunu jistgħu jitwettqu fiż-żona fiżika kollha;

12.

jipproponi li biex tiġi appoġġjata ż-żamma tal-agrikoltura fiż-żoni żvantaġġati, il-konċessjoni kumpensatorja għall-iżvantaġġi naturali permanenti (CANH) tkun obbligatorja għall-Istati Membri fejn tista’ tiġi applikata;

13.

iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiffinanzjaw investimenti f’żoni pastorali, li spiss ma jkollhomx aċċess mekkanizzat. Il-ħolqien ta’ infrastruttura (akkomodazzjoni tar-rgħajja, imqajjel, interkjużuri, ġestjoni ta’ punti tal-ilma, eċċ.), ix-xogħol ta’ manutenzjoni jew ta’ tindif tal-veġetazzjoni, huma indispensabbli għall-ġestjoni sostenibbli ta’ dawn it-territorji;

14.

huwa tal-fehma li l-attività agrikola u pastorali għandha tiġi appoġġjata fil-livell lokali. Fejn is-sjieda tal-art hija kondiviża bejn ħafna sidien, l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni tal-art adatta huwa element indispensabbli għal pastoraliżmu dinamiku;

15.

iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffaċilitaw l-aċċess għall-art għall-bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem, b’mod partikolari permezz ta’ ftehimiet pluriennali speċifiċi li jiżguraw l-użu pastorali uniku tal-art għall-bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem jew il-kollettivitajiet tal-utenti;

16.

iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali joħolqu sistemi ta’ appoġġ adatti għall-prattiki ta’ ġestjoni kollettiva. Sabiex jgħammru lilhom innifishom bl-infrastruttura u r-riżorsi umani meħtieġa biex jagħmlu użu miż-żoni pastorali, il-bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem kellhom jiżviluppaw, fi stadju bikri, forom oriġinali ta’ organizzazzjoni kollettiva li jikkonċernaw il-modi ta’ użu mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-proprjetà. Huma jippermettu fl-istess waqt ir-raggruppament għall-użu pastorali ta’ proprjetajiet privati u artijiet komunali fi ħdan perimetru wieħed u entità ta’ ġestjoni waħda. Dawn jiżguraw ir-relazzjoni mal-amministrazzjoni u t-tipi differenti ta’ msieħba jew utenti;

17.

jistieden lill-UE tkompli tippromovi l-iżvilupp ta’ prodotti agrikoli li jkollhom tikketti ta’ kwalità u toħloq valur miżjud permezz tal-protezzjoni ta’ prodotti agroalimentari ta’ kwalità għolja li ġejjin mit-trobbija pastorali tal-bhejjem. L-Istati Membri għandhom jitħeġġu b’mod partikolari biex jimplimentaw ir-referenza fakultattiva tal-kwalità “prodotti tal-muntanji”, li għadha ma ġietx implimentata fil-maġġoranza tal-pajjiżi minkejja l-adozzjoni tagħha fl-2014;

18.

jitlob li r-referenza “ħalib, ġobon u laħam tal-mergħa”tiġi riservata għal prodotti li jiggarantixxu li l-għalf tal-annimali jkun ġej minn aktar minn 80 % tal-mergħat fl-istaġun tar-ragħa;

19.

jinnota li l-bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem qed ibatu minn kompetizzjoni inġusta minħabba l-importazzjonijiet bi spiża baxxa li jheddu s-sopravivenza tal-pastoraliżmu fl-Ewropa. Din is-sitwazzjoni qed iġġiegħel lill-UE biex tikkumpensa din il-kompetizzjoni b’għajnuna għat-trobbija pastorali tal-bhejjem bħal kif tagħmel għal fergħat oħra; jitlob lill-UE tuża l-influwenza tagħha bħala l-akbar importatur u esportatur globali tal-ikel biex jiġu emendati r-regoli tal-kummerċ internazzjonali agrikolu (WTO, 1994) bil-għan li jkun hemm relazzjonijiet kummerċjali aktar ġusti u b’aktar solidarjetà, b’konformità mal-Opinjoni tal-Kumitat dwar il-PAK wara l-2020;

20.

jilqa’ bi pjaċir il-proġett pilota mniedi u appoġġjat mill-Parlament Ewropew biex jitwaqqfu pjattaformi reġjonali dwar l-ilpup, l-orsijiet, il-wolverine u l-linċi sabiex jiġu ġestiti s-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt; jitlob li l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-predazzjoni u l-protezzjoni tal-merħliet jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ u inklużi fil-pjani xierqa ta’ ġestjoni, u li jiġu diskussi l-mezzi legali kollha, inklużi dawk li jawtorizzaw il-qtil biex isiru aktar dissważivi; u jinnota li xi reġjuni ħolqu wkoll pjattaformi ta’ diskussjoni fuq inizjattiva proprja;

21.

jitlob li tiġi implimentata l-kooperazzjoni transkonfinali għall-pastoraliżmu sabiex tiġi evitata l-instabbiltà li tirriżulta minn miżuri kontradittorji u mhux adatti għaż-żona Ewropea kollha kemm hi;

22.

jitlob li l-istrateġija dwar il-bijodiversità tkun ibbażata fuq fond speċifiku ġdid għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet. Dan il-fond għandu jkopri l-kumpens għad-danni kkawżati minn karnivori kbar, li l-ispiża tagħhom qed tiżdied ferm, kif ukoll il-protezzjoni tal-merħliet, li tista’ tikkonsma parti dejjem akbar tal-FAEŻR, filwaqt li dan il-baġit qed jitnaqqas b’mod sinifikanti. Jekk ma jinħoloq l-ebda fond ġdid, għandhom jintużaw l-istrumenti finanzjarji eżistenti fil-livell reġjonali, u jekk ikun il-każ, f’dak nazzjonali u tal-Unjoni (inkluż il-FAEŻR);

23.

jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li tiġi riveduta d-Direttiva dwar il-Ħabitats abbażi tar-rapport tal-UE li jmiss dwar l-istat tan-natura fl-2020, waqt li tqis ir-riżultati tal-Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija u l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet u l-ħabitats differenti. Ir-reviżjoni possibbli tad-Direttiva dwar il-Ħabitats għandha tesplora l-possibbiltà biex, fil-futur, jiġu emendati l-annessi permezz tal-proċedura ta’ kumitat sabiex jingħata rispons aktar malajr għall-bidliet fil-popolazzjonijiet speċifiċi u biex jogħla jew jitbaxxa l-istatus ta’ protezzjoni għal kull pajjiż jew entità territorjali, meta tali emenda tkun iġġustifikata mit-tkabbir jew it-tnaqqis tal-popolazzjonijiet ta’ speċijiet protetti u mit-theddida għall-attivitajiet pastorali;

24.

jistieden lill-Kummissjoni tkompli tintegra x-xjenzi agronomiċi u żootekniċi fl-istudji xjentifiċi sabiex tappoġġja d-deċiżjonijiet politiċi. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar għarfien disponibbli fil-qasam tax-xjenzi naturali, agronomiċi u soċjali, fuq bażi wiesgħa biżżejjed ta’ tagħlimiet mill-esperjenza u fuq perjodi twal biżżejjed biex jiggwidaw il-politiki pubbliċi. B’mod partikolari, għandhom jiġu dettaljati s-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-istudji tal-każijiet analizzati fuq il-pastoraliżmu u l-karnivori l-kbar sabiex jiġu mifhuma l-kundizzjonijiet lokali u biex jintwera sa liema punt l-eżempji dwar il-protezzjoni tal-merħliet u l-ġestjoni tal-karnivori l-kbar huma effettivi u jistgħux jarrikkixxu, jew le, ir-riflessjoni kollettiva u l-linji gwida f’territorji oħra, u biex tinsilet tagħlima mid-diffikultajiet u l-fallimenti biex jiżdiedu l-possibbiltajiet għall-adattament tat-testi Ewropej u tal-miżuri neċessarji għar-realtajiet fil-post għal ġestjoni aħjar tal-ispeċijiet u, b’mod partikolari, tal-ilpup;

25.

jistieden lill-Kummissjoni tippromovi r-riċerka dwar ir-rikonoxximent tal-proprjetajiet organolettiċi tal-prodotti li ġejjin mill-pastoraliżmu u mill-bhejjem li jirgħu;

26.

jitlob lill-UE tiżviluppa politika ambizzjuża ta’ prevenzjoni tan-nirien fil-foresti billi titħeġġeġ il-preżenza ta’ merħliet fil-boskijiet u x-xagħri, kwistjoni li teħtieġ rikonoxximent tagħhom minn qabel bħala żona ta’ produzzjoni, kif intqal fil-punti preċedenti;

27.

jilqa’ l-proġett “Il-Patrimonju u l-UE”tal-Unesco li għandu l-għan li juża l-patrimonju dinji bħala għodda biex isaħħaħ is-sostenibilità ekonomika u soċjali tat-territorji rurali fl-Ewropa, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jappoġġjaw din l-inizjattiva. Il-pajsaġġi pastorali fil-fatt huma elenkati fil-lista tal-patrimonju dinji, mhux biss bħala pajsaġġi kulturali, iżda wkoll bħala pajsaġġi li jqanqlu l-imgħoddi, jew pitturi fis-siti tal-għerien antiki, li jagħmlu t-territorji iżjed attraenti għat-turiżmu;

28.

jistieden lill-UE tippromovi l-impjiegi pastorali. L-Istati Membri għandhom jippromovu aħjar ix-xogħol tal-bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem u tar-rgħajja li jaħdmu bi ħlas u jagħmluh aktar viżibbli fis-settur agrikolu u barra minnu. Taħriġ aħjar, b’mod partikolari dwar il-ġestjoni tal-annimali fil-mergħat u dwar il-ġestjoni tas-saħħa tal-annimali, iżda wkoll dwar il-protezzjoni tal-merħliet u l-ġestjoni tal-klieb tal-għassa, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ skemi ta’ mentoring ma’ prattikanti bl-esperjenza jippermettu trasferiment aħjar tal-għarfien. F’dak li jirrigwarda r-rgħajja, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tagħhom fil-mergħat tal-muntanji kif ukoll fil-mergħat tal-azjendi agrikoli, b’mod partikolari fiż-żona tal-Mediterran, l-investiment fl-infrastruttura biex jiġu pprovduti lilhom dawn il-kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti u kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol, l-istabbiliment ta’ ftehimiet kollettivi u l-istabbiliment ta’ fieri tax-xogħol biex jinstabu ħaddiema staġjonali, huma lkoll inċentivi biex isir żvilupp b’mod usa’. Fl-Opinjoni tiegħu dwar l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni taż-żoni rurali, il-Kumitat tar-Reġjuni rrakkomanda, b’mod partikolari, li tiġi modernizzata l-provvista ta’ taħriġ vokazzjonali fir-reġjuni rurali u li tiġi adattata għall-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni globali u għall-ħtiġijiet tan-negozji lokali, kif ukoll li jiżdied il-finanzjament tal-FSE ddedikat għal taħriġ vokazzjonali fiż-żoni rurali, li bħalissa huwa baxx ħafna.

Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/68


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Infrastrutturi tar-Riċerka: il-Futur taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) minn perspettiva reġjonali u transfruntiera

(2020/C 39/15)

Relatur

:

Eamon Dooley (IE/Renew Europe), Kunsillier, Kunsill tal-Kontea ta’ Offali

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

jilqa’ l-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi identifikat ir-rwol ewlieni li l-infrastruttura tar-riċerka tista’ taqdi u tiżvolġi fl-avvanz tal-għarfien u tat-teknoloġija. L-infrastrutturi tar-riċerka (RIs) u l-użu tagħhom huma fundamentali għall-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER). F’dan ir-rigward, jappoġġja l-ħidma tal-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI) li għandu rwol importanti fit-tfassil tal-politika dwar l-infrastruttura tar-riċerka fil-livell tal-UE u jassisti fil-ħolqien ta’ suq uniku Ewropew għax-xjenza;

2.

jenfasizza li l-infrastrutturi tar-riċerka għandhom karattru tassew territorjali. Dawn huma kruċjali għall-iżvilupp reġjonali, li jestendu minn output xjentifiku għall-impatt fuq l-ekosistemi edukattivi, kif ukoll għall-benefiċċji ġenerali għas-suq u għas-soċjetà;

3.

jinnota li l-Pjan Direzzjonali Strateġiku tal-ESFRI jidentifika l-RIs ta’ interess pan-Ewropew bħala li jikkontribwixxu għall-issodisfar tal-ħtiġijiet fit-tul tal-komunitajiet tar-riċerka tal-Ewropa f’bosta oqsma xjentifiċi u jilqa’ wkoll il-fatt li dan jidentifika l-investiment fl-RIs bħala metodu biex tiżdied il-kompetittività reġjonali u b’hekk il-koeżjoni bejn l-Istati Membri u r-reġjuni differenti;

4.

jenfasizza li l-RIs għandhom rwol essenzjali x’jaqdu fl-indirizzar tal-isfidi globali fl-oqsma tal-ambjent u tat-tibdil fil-klima li jaffettwaw lis-soċjetà tagħna fil-livelli kollha mil-livell lokali sa dak reġjonali, nazzjonali, Ewropew u fuq skala globali;

5.

jafferma mill-ġdid, barra minn hekk, il-konklużjoni tal-Opinjonijiet preċedenti tal-KtR li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni fil-ħolqien ta’ ekosistemi tal-innovazzjoni effettivi, speċjalment permezz tal-identifikazzjoni strateġika tal-prijoritajiet ta’ riċerka reġjonali permezz tal-iżvilupp ta’ Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (S3s) (1);

6.

jinnota li l-Ewropa żviluppat viżjoni b’suċċess fuq perjodu medju u fit-tul għall-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ infrastruttura tar-riċerka koerenti, fejn il-kooperazzjoni bejn l-infrastruttura eżistenti hija mħeġġa filwaqt li, b’mod parallel, qed jiġu stabbiliti pjani biex tinħoloq u tiġi żviluppata l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ infrastrutturi tar-riċerka kif definiti mill-ESFRI;

7.

jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li ŻER li tiffunzjona tajjeb se tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-titjib tal-effiċjenza u l-effikaċja tal-ekosistema Ewropea ġenerali tar-riċerka u l-innovazzjoni u jirrikonoxxi l-importanza ta’ sħubija mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea biex jaħdmu b’mod konġunt bil-għan li jsaħħu ż-ŻER speċjalment permezz ta’ Orizzont Ewropa bħala l-istrument ewlieni ta’ finanzjament (2). Jiddispjaċih, madankollu, li l-Kunsill ma jirrikonoxxix biżżejjed ir-rwol li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jkollhom f’dan il-proċess;

8.

huwa mħasseb dwar il-fatt li għad fadal diversi nuqqasijiet fil-qafas taż-ŻER fir-rigward tal-RIs, li jirriżultaw f’diskrepanzi fl-implimentazzjoni li jnaqqsu l-benefiċċji u l-effiċjenzi potenzjali;

9.

jilqa’ l-allokazzjoni baġitarja proposta mill-Kummissjoni ta’ EUR 100 biljun biex jiġu ffinanzjati x-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni matul il-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2027 sabiex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet. Fl-istess ħin, jinsab imħasseb dwar ir-riskju li jiżdiedu l-inugwaljanzi bejn il-bliet u r-reġjuni li jibbenefikaw mill-programm qafas ta’ riċerka u innovazzjoni, li l-baġits tagħhom se jiżdiedu, u l-oħrajn li se jbatu l-konsegwenzi ta’ tnaqqis fil-baġits tal-politika ta’ koeżjoni (3);

10.

l-aħħar iżda mhux l-inqas, jirrikonoxxi li huwa essenzjali li jintwera l-valur miżjud tal-UE fi kwalunkwe politika tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li dawn il-politiki qed jiġu skrutinizzati dejjem aktar. Jinnota li l-analiżijiet reċenti juru li, filwaqt li l-progress dwar l-implimentazzjoni taż-ŻER għadu għaddej, dan qed iseħħ b’pass aktar bil-mod minn qabel u għad hemm disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri kemm fil-livelli ta’ prestazzjoni kif ukoll fir-rati ta’ tkabbir (4). Għaldaqstant jenfasizza l-ħtieġa għal komunikazzjoni aħjar tal-impatt Ewropew tar-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta’ statistika aktar soda u ċara;

L-isfidi fir-rigward taż-ŻER, kif identifikati mill-perspettiva reġjonali u transfruntiera

11.

jiddispjaċih dwar il-fatt li l-proporzjon ta’ finanzjament għar-riċerka mis-settur tal-gvern fl-UE staġna għal madwar 2,03 % bejn l-2014 u l-2016 (5). Dan juri li s-sehem tal-introjtu nazzjonali li jintefaq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp għadu ferm aktar baxx mill-mira ta’ Barċellona ta’ 3 % tal-prodott domestiku gross li ġiet stabbilita fl-2002 u li inqas minn 1 % tal-finanzjament nazzjonali għar-riċerka u l-iżvilupp jintefaq fuq riċerka transnazzjonali (6);

12.

jinsab imħasseb, barra minn hekk, dwar il-fatt li l-iżbilanċ tan-nefqa domestika grossa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp huwa rifless ukoll fil-livell reġjonali, li jwassal għall-fatt li, fl-2015, 31 minn 281 reġjun NUTS 2 biss irrapportaw investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp ’il fuq mill-mira tal-UE ta’ 3,0 % b’raggruppamenti ċari b’intensità għolja ta’ riċerka preżenti f’ċerti reġjuni tal-UE. Fil-parti l-kbira tagħhom, dawn ir-reġjuni jinsabu fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fir-Renju Unit, fl-Iżvezja, fil-Belġju, fid-Danimarka, fi Franza u fil-Finlandja (7);

13.

jinnota li l-implimentazzjoni taż-ŻER turi wkoll varjazzjonijiet bejn l-allokazzjoni tal-finanzjament tal-Orizzont 2020 u l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni taħt il-Fondi SIE. L-Istati Membri tal-UE-13 huma r-riċevituri ewlenin tal-fondi SIE filwaqt li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-eċċellenza taħt Orizzont 2020 wasslet għal konċentrazzjoni ta’ finanzjament kif ukoll kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni primarjament fl-UE-15, filwaqt li żiedet id-distakk fl-innovazzjoni bejn l-UE-15 u l-UE-13 (8)

14.

iwissi li s-sostenibbiltà fit-tul hija sfida ewlenija oħra li qed jiffaċċjaw l-infrastrutturi tar-riċerka, speċjalment infrastrutturi pan-Ewropej fuq skala kbira li huma ferm għaljin biex jinbnew, jinżammu u jitħaddmu, bi spejjeż tal-kostruzzjoni li ħafna drabi jaqbżu EUR 1 biljun, bi spiża operattiva annwali relatata ta’ madwar 10 % tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni. Peress li l-baġits nazzjonali għax-xjenza ta’ spiss ikunu ugwali jew jaqbżu tali spejjeż, il-mistoqsija dwar is-sostenibbiltà fit-tul tagħhom tibqa’ kwistjoni kontinwa (9);

15.

jirrikonoxxi l-fatt li l-ispejjeż assoċjati mal-aċċess għall-Faċilitajiet tal-infrastruttura tar-riċerka, speċjalment f’sitwazzjonijiet transfruntiera jistgħu jkunu ostakolu għar-riċerkaturi, u b’hekk ixekklu l-avvanz xjentifiku;

16.

iwissi li b’mod partikolari, sabiex jiġu indirizzati l-hekk imsejħa sfidi ewlenin, bħat-tibdil fil-klima, l-RIs għandhom ikunu jistgħu jintegraw mal-RIs tal-viċinat, u b’hekk joħolqu kondiviżjoni akbar tal-għarfien u jikkontribwixxu għar-riċerka interdixxiplinari. F’dan ir-rigward, l-infrastruttura ta’ riċerka diġitali hija tal-akbar importanza, u għalhekk, il-KtR jappoġġja disponibbiltà akbar ta’ data miftuħa permezz tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa;

17.

jinnota li r-riżorsi umani huma komponent importanti tal-RIs. Il-politiki u l-ġestjoni tar-riżorsi umani jiddefinixxu l-kwalità u l-kwantità tal-persunal li jista’ jiġi reklutat u huma essenzjali biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni, it-tħaddim u l-impatt xierqa tal-RIs (10). Għalhekk, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-mobbiltà tal-maniġers u l-iżvilupp tal-ħiliet tal-utenti tal-infrastruttura tar-riċerka huma essenzjali;

18.

huwa mħasseb dwar il-fatt li l-impatt tal-infrastrutturi tar-R&I fuq l-industrija u s-soċjetà għadu ma ġiex żviluppat biżżejjed. Jirrikonoxxi madankollu li l-Kummissjoni qed tagħmel sforzi biex tikkonverti l-għarfien espert fix-xjenza tal-Ewropa fi prodotti u servizzi li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati;

19.

jirrikonoxxi li biex l-RIs ikollhom impatt fuq is-soċjetà usa’, għandhom jissodisfaw ukoll il-ħtiġijiet tal-industrija. Għalhekk, ekosistema tal-infrastruttura tar-riċerka soda u interkonnessa għandha tkun tista’ tiġġenera risponsi bejn diversi dixxiplini biex jiġu indirizzati l-problemi kumplessi;

20.

ġie mwissi li l-komunikazzjonijiet dwar l-RIs eżistenti u futuri, b’rabta mal-proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp li qed jitwettqu f’dawn l-infrastrutturi jeħtieġ li jiġu kkomunikati liċ-ċittadini b’mod aktar effettiv, bħala parti mill-komunikazzjoni ġenerali tal-UE dwar il-benefiċċji tal-UE għaċ-ċittadini tagħha;

L-infrastruttura tar-riċerka: rakkomandazzjonijiet ta’ politika

21.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida tkompli timmonitorja jekk l-Istati Membri u r-reġjuni jirrispettawx l-obbligu tagħhom li jiddedikaw 3 % tal-PDG għar-riċerka u l-iżvilupp sa tmiem id-deċennju attwali;

22.

iħeġġeġ, għal dan il-għan, li l-Kummissjoni tipproponi malajr is-suċċessur tal-istrateġija Ewropa 2020, li għandu jinkludi objettivi kwantifikati anke fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp;

23.

jemmen li hemm bżonn li l-isforzi komuni jissaħħu aktar fil-livelli kollha flimkien ma’ aktar riformi fis-sistemi nazzjonali u reġjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni biex tiġi implimentata ŻER li tiffunzjona tajjeb u jiġi megħjun it-tixrid tal-eċċellenza permezz tas-sinerġiji. Għalhekk, jaqbel b’mod ġenerali mal-proposti tal-Kummissjoni biex jiġu inklużi inizjattivi ġodda biex itejbu l-effikaċja tal-RIs fil-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ bejn l-2021 u l-2027 inkluż l-użu tal-fondi reġjonali, għodda Ewropea għat-twettiq ta’ riformi u Orizzont Ewropa, li jinkludi pilastru ddedikat biex jgħin fit-tisħiħ taż-ŻER (11);

24.

jemmen li l-RIs joħolqu opportunitajiet reġjonali biex jikkompetu għall-fondi tal-UE fl-investimenti fl-RI li jistgħu jirriżultaw fl-iżvilupp ta’ ċentri ta’ innovazzjoni fi ħdan RI mqassma. Iqis li, sabiex tiġi żgurata sostenibbiltà fit-tul għall-RIs, huma meħtieġa mudelli ta’ finanzjament addizzjonali u speċifiċi matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-RI biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-finanzjament fejn is-sorsi ta’ finanzjament Ewropej, nazzjonali jew oħra ma jkunux biżżejjed. Speċifikament, linji baġitarji ddedikati huma meħtieġa biex:

jiġu ffinanzjati l-fażijiet ta’ qabel il-kostruzzjoni jew ta’ qabel l-operat;

jiġu ffinanzjati l-operazzjonijiet tal-infrastrutturi tar-riċerka kontinwi; u

jiġu ffinanzjati r-riżorsi umani, jiġifieri s-salarji tal-persunal, ir-reklutaġġ, iż-żamma u t-taħriġ.

Dan jista’ jinkludi użu aktar kreattiv tal-fondi mill-FSIE, Interreg, Qafas u self mill-Bank Ewropew tal-Investiment, iżda jista’ jinkludi wkoll Erasmus+, Ewropa Diġitali, COSME, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, LIFE, eċċ., potenzjalment flimkien ma’ mudell ta’ kofinanzjament b’fondi nazzjonali għar-riċerka. Dan huwa essenzjali għas-sostenibbiltà fit-tul tal-RIs;

25.

jappoġġja wkoll l-approċċ tat-“Tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni (12)”, flimkien mal-fatt li r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jsiru aktar favorevoli għar-riċerka u l-innovazzjoni bħala mekkaniżmu biex jiġi ekwalizzat l-appoġġ u jinkiseb il-potenzjal sħiħ tar-riċerka tar-reġjuni kollha tal-UE, inklużi dawk tar-reġjuni li jinsabu barra mir-raggruppamenti intensivi fir-riċerka;

26.

jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva li tgħaqqad l-Orizzont 2020, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-Programm għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, biex jitnieda l-programm VentureEU bil-għan li tingħata spinta lill-kapital ta’ riskju fl-Ewropa u jiġi pprovdut aktar investiment privat għal attivitajiet ta’ riċerka (13);

27.

jissuġġerixxi li Orizzont Ewropa għandu jinkludi azzjonijiet speċifiċi biex jippermetti l-aċċess għall-RI, inkluż billi jagħmel l-ispejjeż relatati mal-aċċess eliġibbli għall-finanzjament, peress li dan jista’ jiffaċilita l-iżvilupp tas-servizzi tal-RI kif ukoll jiżgura sostenibbiltà fit-tul;

28.

jitlob li jittieħdu aktar azzjonijiet li jippermettu aktar aċċess miftuħ għall-infrastruttura tal-RI u jissuġġerixxi li dan jista’ jinkiseb billi jintużaw serje ta’ miżuri:

spejjeż relatati mal-aċċess għall-faċilitajiet tal-RI għandhom ikunu eliġibbli taħt il-programm qafas li jmiss;

aċċess liberu (aċċess ibbażat fuq l-eċċellenza jew kompletament miftuħ) għal servizzi żviluppati jew ittestjati fil-kuntest ta’ proġetti approvati;

finanzjament iddedikat għall-promozzjoni u l-komunikazzjoni mal-komunità tal-utenti potenzjali tal-RIs.

29.

jappoġġja armonizzazzjoni u standardizzazzjoni akbar tar-regoli u l-proċeduri ta’ aċċess, speċjalment l-iżvilupp ta’ karti għall-aċċess biex jiġu żgurati l-ġustizzja u l-konsistenza (14);

30.

huwa favur, b’mod speċjali, li jkun hemm rabta bejn il-politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ S3, peress li dawn huma approċċi innovattivi li jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku, lill-ħolqien tal-impjiegi abbażi tal-ħtiġijiet reġjonali identifikati, u li jikkollegaw u jinvolvu lir-reġjuni fl-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni. Barra minn hekk, dawn joffru l-possibbiltà ta’ kollaborazzjonijiet interreġjonali u bejn il-pari fl-implimentazzjoni tal-RIS3 mill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġu rfinati l-objettivi, u jiġu żviluppati sinerġiji u jkun hemm allinjament aħjar;

31.

jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti aktar fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi tar-R&I minħabba l-importanza li għandhom il-faċilitajiet żgħar u ta’ daqs medju tal-RI għall-iżvilupp lokali u reġjonali u minħabba li l-maġġoranza ta’ dawk l-inizjattivi huma implimentati fil-livell lokali u reġjonali;

32.

itenni l-appoġġ tiegħu għall-ħolqien ta’ netwerk Ewropew ta’ ekosistemi reġjonali u ċentri tal-innovazzjoni billi jinħolqu sinerġiji bejn l-istrateġiji Ewropej, nazzjonali u reġjonali eżistenti u billi l-ekosistemi reġjonali u ċ-ċentri tal-innovazzjoni jingħaqdu ma’ ktajjen tal-valur industrijali ewlenin biex tiġi promossa ekosistema tar-RŻ&I kompetittiva u b’hekk jiżdied l-impatt tal-Programm Qafas li jmiss fuq is-soċjetà (15);

33.

jitlob campuses tal-RI transreġjonali u transfruntiera aktar integrati biex jissaħħu l-opportunitajiet li jiġu stabbiliti rabtiet mill-qrib mal-atturi fl-ekosistemi reġjonali, jiġifieri l-infrastruttura tar-riċerka lokali, l-inkubaturi, il-parks teknoloġiċi u l-universitajiet. B’konsegwenza ta’ dan, jesprimi l-appoġġ b’saħħtu tiegħu għal inizjattivi strateġiċi bħalma huma ASTRONET jew APPEC;

34.

jinnota li l-edukazzjoni għolja taqdi rwol essenzjali biex tipprovdi ħiliet u kompetenzi orjentati lejn il-futur biex l-innovazzjoni titwettaq b’suċċess. Jitlob li jinħolqu kollaborazzjonijiet strutturati b’mod aktar b’saħħtu bejn l-RIs u l-universitajiet li jwasslu għal mobbiltà akbar u programmi ta’ skambju bejn dawn is-setturi;

35.

jappoġġja d-direzzjoni l-ġdida tal-ESFRI fir-rigward ta’ ammont akbar ta’ interfaċċji interdixxiplinari u aktar koordinazzjoni bejn l-ESFRI u l-istrateġiji u l-pjani direzzjonali nazzjonali biex jiġu żgurati koordinazzjoni aħjar u effiċjenza akbar fl-ekosistema tal-RI, billi ekosistema tal-RI robusta u interkonnessa għandha tkun tista’ tiġġenera risponsi bejn diversi dixxiplini biex jiġu indirizzati l-problemi kumplessi;

36.

jappoġġa b’mod konkret it-tixrid ta’ twassil ta’ intelligence dwar innovazzjonijiet u innovaturi ffinanzjati pubblikament u li huma lesti għas-suq permezz tal-użu ta’ radar tal-innovazzjoni (16);

37.

jappoġġja l-użu ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni komuni, li jibnu fuq mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità eżistenti bħala mezz biex tinkiseb komparabbiltà transfruntiera, u jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE ta’ Mejju 2018 li tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċ komuni għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-RI (17);

38.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib flimkien mal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali biex jiġbru l-informazzjoni dwar l-infrastrutturi tar-riċerka u l-attivitajiet marbuta magħhom, inkluż l-immappjar tal-attivitajiet u r-riżultati, sabiex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini dwar il-kontribut li dawn l-infrastrutturi joffrulhom bħala individwi, kif ukoll għall-ekonomija reġjonali, nazzjonali u Ewropea.

Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  KtR: Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3): l-impatt fuq ir-reġjuni u l-kooperazzjoni interreġjonali (2017).

(2)  Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea: Abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Governanza taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Brussell, Novembru 2018

(3)  Opinjoni tal-KtR dwar Orizzont Ewropa: id-disa’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (COR-2018-03891) (ĠU C 461, 21.12.2018 , p. 79).

(4)  Rapport ta’ Progress taż-Żona Ewropea tar-Riċerka 2018; COM(2019)83.

(5)  Eurostat, Indikaturi ta’ Ewropa 2020 - Ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

(6)  EPRS: l-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew: PE 603.239 – Diċembru 2017.

(7)  Eurostat, Indikaturi ta’ Ewropa 2020 - Ir-R&Ż u l-innovazzjoni.

(8)  Briefing tal-Parlament Ewropew: European Research Area Regional and Cross-Border Perspective (Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka minn Perspettiva Reġjonali u Transfruntiera). PE 637.939, ta’ April 2019

(9)  SWD(2017) 323 final: Sustainable European Research Infrastructures - A Call for Action (Infrastrutturi Ewropej Sostenibbli għar-Riċerka - Appell għal Azzjoni).

(10)  ENEA; Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-Infrastruttura tar-Riċerka - il-Futur taż-ŻER minn perspettiva reġjonali u transfruntiera; Mejju 2019.

(11)  Il-Kummissjoni Ewropea: Rapport tal-Progress taż-ŻER 2018: (2019)83 Paġna 4.

(12)  https://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/en/h2020-section/spreading-excellence-and-widening-participation

(13)  Il-Kummissjoni Ewropea: Aġenda Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni imġedda – l-Opportunità tal-Ewropa li ssawwar il-Ġejjieni tagħha: UE Mejju 2018. COM(2018) 306 final

(14)  ENEA: Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-Infrastrutturi tar-Riċerka – il-Futur taż-ŻER minn Perspettiva Reġjonali u Transfruntiera. Mejju 2019.

(15)  KtR: Abbozz ta’ opinjoni. Aġenda Ewropea għar-R&I mġedda. L-opportunità tal-Ewropa li ssawwar il-ġejjieni tagħha. 2019.

(16)  Radar tal-Innovazzjoni: L-Identifikazzjoni tal-Innovazzjonijiet u l-Innovaturi b’Potenzjal Għoli fil-proġetti tal-ICT FP7, CIP & H2020.

(17)  UE; Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea-Naċċelleraw iċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien fl-UE. Mejju 2018. Dok 9507/1.


5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/72


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew għar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi permezz ta’ tranżizzjoni tal-enerġija innovattiva u sostenibbli fil-livell reġjonali u lokali

(2020/C 39/16)

Relatur

:

Is-Sur Witold STĘPIEŃ (PL/PPE), Membru tal-Assemblea Reġjonali tal-Provinċja ta’ Łódzkie

Dokument ta’ referenza

:

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi permezz ta’ tranżizzjoni tal-enerġija rapida, effettiva u fuq diversi livelli

1.

jirrimarka li tranżizzjoni tal-enerġija innovattiva u sostenibbli teħtieġ bidla profonda fis-sistema kollha tal-enerġija — produzzjoni, trażmissjoni u konsum — b’impatt dirett fuq l-infrastruttura, is-suq, l-ambjent u s-soċjetà. Hija opportunità biex jinbena suq tal-enerġija aktar sigur, ġust u trasparenti, biex jinħolqu netwerks transkonfinali, biex jittejjeb l-aċċess u d-distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, biex jinqered il-faqar enerġetiku u biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet għall-konsumaturi u l-prosumaturi fis-sistema tal-enerġija;

2.

jirrikonoxxi s-sejbiet tar-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima u jaqbel bis-sħiħ li l-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C ogħla mil-livelli preindustrijali tirrikjedi azzjoni immedjata u tranżizzjoni wiesgħa bejn is-setturi għal sistema tal-enerġija sostenibbli u b’emissjonijiet baxxi (1). L-iskala ta’ din it-tranżizzjoni teħtieġ soluzzjonijiet integrati u kooperazzjoni mill-qrib fil-livelli kollha tal-gvern u tas-soċjetà ċivili biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, kif ukoll l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi;

3.

jilqa’ r-rikonoxximent li rċieva l-Parlament Ewropew (2) tal-ħtieġa għal approċċ antiċipatorju biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta għaċ-ċittadini tal-UE u biex jiġu appoġġjati r-reġjuni l-aktar affettwati mid-dekarbonizzazzjoni, peress li l-bidla lejn Ewropa newtrali għall-klima tagħmel l-ekonomija aktar kompetittiva, tipproteġi l-pjaneta u ttejjeb is-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tagħna;

4.

jilqa’ l-proposta tal-President elett Ursula von der Leyen ta’ Patt Ekoloġiku Ewropew bl-ewwel Liġi Ewropea dwar il-Klima biex tiġi stabbilita l-mira tan-newtralità klimatika tal-2050, u b’mod partikolari l-ħolqien ta’ Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta ġdid li se jgħin lir-reġjuni tal-faħam jimxu lejn enerġija nadifa filwaqt li tingħata spinta lill-kompetittività Ewropea;

5.

jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw mira b’saħħitha għal perjodu ta’ żmien medju f’konformità mal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija, bħala pass kruċjali lejn emissjonijiet netti żero tal-gass serra sal-2050 (3), u biex jiżdied il-livell ta’ ambizzjoni tal-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali tal-Unjoni (4) b’mira mifruxa mal-ekonomija kollha ta’ mill-inqas 50 % ta’ tnaqqis fil-livell tal-pajjiż tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, waqt li ssir enfasi speċjali fuq dawk is-setturi li l-emissjonijiet tagħhom għadhom mhux limitati bl-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet; itenni t-talba tiegħu għal miri aktar ambizzjużi iżda fl-istess ħin realistiċi għall-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-UE, li għandhom jiżdiedu għal 40 % sal-2030, kif ukoll appoġġ estensiv għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi li jippermettu iktar progress;

6.

jappella għal impenn u għoti ta’ setgħa adegwati fil-livelli kollha tal-gvern fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ azzjoni dwar il-klima u l-enerġija li tkun effettiva u orjentata lejn il-ksib tal-miri. Jenfasizza r-responsabilità kbira li għandhom l-Istati Membri u l-UE, huma u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ġenerali. Jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma fl-aħjar lok biex jinvolvu lill-komunitajiet tagħhom, jattiraw investituri privati u jimplimentaw azzjoni ambizzjuża u f’waqtha, filwaqt li jaġixxu mhux biss bħala amministraturi iżda wkoll bħala fornituri tas-servizzi tal-enerġija u xerrejja sinifikanti tas-servizzi tal-enerġija (eż. grids tal-elettriku, servizzi ta’ tisħin, trasport pubbliku, dawl). Jenfasizza, barra minn hekk, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jagħtu eżempju u jispiraw lill-komunitajiet tagħhom.

It-trasferiment tal-għarfien u t-trawwim tal-koeżjoni biex tkun tista’ ssir tranżizzjoni tal-enerġija b’veloċità unika għall-Ewropa: l-appoġġ għal reġjuni kif ukoll gżejjer b’użu intensiv tal-faħam u tal-karbonju

7.

jinnota li t-tibdil fil-klima huwa sfida globali u l-progress li sar mill-UE biex tintlaħaq ekonomija newtrali għall-klima sal-2050 irid jintlaħaq permezz ta’ impenji simili minn pajjiżi terzi; f’dan ir-rigward jenfasizza r-riskju għall-kompetittività globali tal-UE kkawżat minn pajjiżi terzi li ma għandhomx miri klimatiċi daqstant ambizzjużi. Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu t-tibdil fil-klima bħala prijorità diplomatika strateġika sabiex jinkisbu kundizzjonijiet ekwi globali;

8.

jenfasizza l-importanza li tiġi ġestita t-tranżizzjoni tal-enerġija mil-livelli l-aktar qrib taċ-ċittadini, u li jiġu mifhuma l-karatteristiċi lokali u reġjonali u r-restrizzjonijiet u l-ħtiġijiet finanzjarji, storiċi, ġeografiċi u ġeopolitiċi. Jistieden lill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-istituzzjonijiet Ewropej, biex juru aktar solidarjetà u jiżviluppaw tranżizzjoni tal-enerġija sostenibbli b’veloċità waħda, filwaqt li jrawmu l-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali fl-Ewropa, u jiffukaw attenzjoni partikolari u appoġġ fuq ir-reġjuni tal-faħam, ir-reġjuni li jużaw ħafna l-karbonju u l-gżejjer li jsofru minn tnaqqis fil-popolazzjoni li ser jintlaqtu ħażin mit-telf ta’ impjiegi minħabba din it-tranżizzjoni;

9.

jilqa’ l-inizjattivi tal-Kummissjoni, inklużi l-inizjattiva tar-Reġjuni fi Tranżizzjoni Intensivi fil-Faħam u l-Karbonju u l-inizjattiva tal-Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE, maħsuba biex jappoġġjaw u jipprovdu assistenza teknika lil reġjuni li huma aktar vulnerabbli għar-riskji ekonomiċi u soċjali, li l-karatteristiċi tagħhom ifixklu din it-tranżizzjoni u jagħmlu l-implimentazzjoni korretta aktar diffiċli u urġenti;

10.

jirrimarka li bħalissa hemm 41 reġjun tal-faħam fil-livell NUTS-2 fi 12-il pajjiż tal-UE (inkluż ir-Renju Unit), u li s-settur tal-faħam jipprovdi madwar 240 000 impjieg dirett fil-minjieri tal-faħam u fl-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam, kif ukoll madwar 215 000 impjieg indirett. Barra minn hekk, hemm reġjuni li jiddependu ħafna fuq attivitajiet intensivi tal-karbonju, inklużi l-ħadid, l-azzar jew il-pit. Għalhekk, jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ finanzjarju u tekniku biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista fir-reġjuni affettwati minn bidliet sistemiċi, u biex jiġu mitigati l-aspetti soċjali u ekonomiċi negattivi tat-tranżizzjoni;

11.

jinnota li aktar minn 2 200 gżira abitata Ewropea, fejn hemm residenti 12-il miljun persuna, huma affettwati b’mod partikolari mit-tranżizzjoni tal-enerġija minħabba li dawn isofru minn taħlita ta’ prezzijiet għoljin tal-enerġija u dipendenza għolja fuq il-karburanti fossili. Sadanittant, il-gżejjer jistgħu jipprovdu esperimenti siewja għal soluzzjonijiet skalabbli ta’ enerġija sostenibbli biex jaqilbu għal sistema ħielsa mill-fossili, u jnaqqsu s-sussidji attwali tal-karburanti fossili;

12.

jappoġġja l-iżvilupp ta’ ċentri ta’ innovazzjoni reġjonali bil-għan li jinġiebu flimkien ir-riċerka, l-akkademja u l-industrija; jinnota li dawn iċ-ċentri għandhom jaġixxu bħala bord sperimentali, fejn jinfurmaw u jqajmu kuxjenza fost iċ-ċittadini u l-komunitajiet lokali u jipprovdu spazju fejn l-istrateġiji ta’ innovazzjoni reġjonali jiġu mfassla u implimentati b’mod interattiv;

13.

peress li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa diġà ħolqot 2 miljun impjieg madwar l-UE, jappella biex jinħolqu ċentri ta’ taħriġ vokazzjonali reġjonali fil-kuntest tat-tranżizzjoni tal-enerġija biex jiġu pprovduti t-tisħiħ tal-kapaċità (inklużi l-ħiliet diġitali) u t-taħriġ biex il-ħiliet tax-xogħol jiġu rivalorizzati lejn industriji aktar sostenibbli;

14.

jappella wkoll li ssir aktar enfasi fuq it-tranżizzjoni tal-enerġija taħt il-programm Erasmus u Erasmus+ sabiex titqajjem kuxjenza u l-individwi milqutin mit-tranżizzjoni jingħataw possibbiltajiet addizzjonali biex itejbu l-opportunitajiet tagħhom permezz tal-iskambju tal-ideat u tal-għarfien; itenni l-appoġġ tiegħu għal “sħubijiet strateġiċi” (5) taħt ġestjoni deċentralizzata, biex jiġi permess l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta’ proġetti transkonfinali u transnazzjonali;

15.

jenfasizza kif, bis-saħħa tal-istorja tagħhom, ir-reġjuni b’użu intensiv tal-faħam u l-karbonju jistħoqqilhom jiġu apprezzati għall-iżvilupp ekonomiku tagħhom u l-importanza tal-enerġija għall-iżvilupp taċ-ċivilizzazzjoni. Ħafna minnhom kisbu għarfien espert u sensibilizzazzjoni kulturali tas-sinifikat tax-xejriet li qed jinbidlu fil-produzzjoni tal-enerġija u huma miftuħa għall-innovazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fis-settur tal-enerġija. Dawn it-tradizzjonijiet (riżorsi) u opportunitajiet għandhom jintużaw għall-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali, inklużi t-trasferiment tal-għarfien u t-taħriġ mill-ġdid, fejn l-għarfien espert u x-xogħol jintefa’ f’teknoloġiji u innovazzjonijiet b’livell baxx ta’ karbonju;

Ninvestu fi tranżizzjoni tal-enerġija li tibqa’ valida fil-futur għall-Ewropa

16.

jinnota li t-tranżizzjoni tal-enerġija tipprovdi opportunità kbira biex isir investiment f’infrastruttura li tibqa’ valida fil-futur u biex tiġi xprunata trasformazzjoni li tkun ta’ benefiċċju għall-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej kollha. Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b’riżorsi adegwati, mandati u appoġġ biex titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija madwar l-Ewropa;

17.

f’dan il-kuntest, jilqa’ t-tħabbir tal-President elett Ursula von der Leyen li jiġi stabbilit Fond ġdid ta’ Tranżizzjoni Ġusta u jitlob li l-finanzjament ikun marbut mill-qrib mal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 sabiex ir-reġjuni NUTS 2 tal-faħam affettwati jkunu jistgħu jsaħħu l-programmi operattivi tagħhom peress li dawn jiffaċċjaw l-akbar sfidi biex jekoloġizzaw l-ekonomiji tagħhom u jiżguraw tranżizzjoni tal-enerġija ġusta għaċ-ċittadini tagħhom. Din l-allokazzjoni ma għandhiex tiġi kkalkulata fil-limiti proposti tal-Anness XXII, iżda għandha tkun disponibbli bħala finanzjament addizzjonali. Dan il-finanzjament addizzjonali jista’ mbagħad jintuża biex jissaħħu l-programmi tal-FEŻR u tal-FSE għal dawn iż-żoni fil-livell 2 tan-NUTS matul is-seba’ snin li ġejjin u b’hekk jiġi promoss il-valur miżjud tal-UE;

18.

minbarra ż-żieda fl-integrazzjoni tal-klima baġitarja, jappella għal miżuri effettivi biex jiġu eliminati gradwalment is-sussidji diretti u indiretti fuq il-karburanti fossili (bħal pereżempju l-eżenzjonijiet mit-taxxa eżistenti fuq il-karburant tal-inġenji tal-ajru) sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-enerġiji rinnovabbli, titħeġġeġ il-bidla fl-imġiba u jiġu ġġenerati r-riżorsi meħtieġa biex jappoġġjaw tranżizzjoni ġusta; jilqa’ f’dan il-kuntest id-dibattitu mniedi mill-President elett tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen dwar l-ipprezzar tal-karbonju u t-tariffi tal-karbonju fuq il-fruntieri;

19.

jenfasizza l-importanza ta’ rati ta’ kofinanzjament għall-fondi tal-UE biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għalihom minn komunitajiet żgħar u gżejjer; jitlob li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jintużaw bħala “laboratorji” għat-tranżizzjoni tal-enerġija, billi jitfasslu soluzzjonijiet innovattivi u azzjoni politika kkoordinata li tiffoka fuq l-oqfsa ta’ politika, il-miżuri regolatorji, il-finanzjament, il-kooperazzjoni u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati;

20.

jilqa’ l-proposta għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, bl-enfasi tagħha fuq l-iżvilupp sostenibbli u jtenni l-appell tiegħu sabiex aktar minn 30 % tal-baġit jiġi ddedikat għas-semplifikazzjoni tal-politika dwar il-klima; jappella biex jiġi appoġġjat aktar l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti sabiex jiżdiedu l-prodotti u l-proċessi innovattivi u jiddaħħlu fis-suq Ewropew (6); jilqa’ l-qasam ta’ ffukar tar-riċerka propost għal bliet intelliġenti u newtrali fil-qasam tal-klima taħt Orizzont Ewropa bil-għan li tingħata spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni madwar l-UE;

21.

jirrakkomanda li tiżdied ir-rata ta’ finanzjament mis-60 % propost għal 70 % għal organizzazzjonijiet orjentati lejn il-profitti u għal 100 % għall-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fis-sottoprogramm LIFE dwar it-Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa, u li jkomplu jiġu attirati awtoritajiet lokali u reġjonali u organizzazzjonijiet iżgħar bħal aġenziji tal-enerġija lokali; jilqa’ l-istabbiliment tal-Fond InvestEU, u jissuġġerixxi li din l-opportunità tiġi sfruttata biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tal-enerġija, b’mod partikolari f’reġjuni vulnerabbli; jipproponi li dawn il-programmi jippremjaw proġetti mwettqa fir-reġjuni fi tranżizzjoni b’punteġġ addizzjonali;

22.

fid-dawl tal-qafas tal-għajnuna mill-Istat għal wara l-2020, jappella għal żieda fil-livell tal-għajnuna statali permissibbli kif ukoll għal flessibilità suffiċjenti għal proġetti relatati mat-tranżizzjoni tal-enerġija f’reġjuni tal-faħam u f’reġjuni u gżejjer b’użu intensiv tal-karbonju, kif ukoll f’komunitajiet lokali sabiex jitħeġġeġ l-investiment mis-settur tan-negozju;

23.

jappella li jinħolqu mekkaniżmi għal appoġġ u finanzjament akbar għall-proġetti ta’ tranżizzjoni tal-enerġija fir-reġjuni kklassifikati bħala intensivi fil-faħam u l-karbonju. Hemm bosta raġunijiet għal dan: 1) m’għandniex nistennew li l-konsegwenzi tat-tranżizzjoni jaffettwaw lil dawn ir-reġjuni b’modi irrimedjabbli; 2) għandu jkun possibbli li jiżdiedu l-livelli massimi ta’ għajnuna lill-impriżi kollha, b’mod partikolari għall-impriżi l-kbar, minħabba l-kapaċità tagħhom li jinvestu f’territorju partikolari u l-potenzjal li jinkoraġġixxu l-bidla; 3) għandu jkun possibbli li jiġu implimentati miżuri oħrajn biex itaffu l-effetti tat-tranżizzjoni, eż. jiżdied il-livell ta’ finanzjament tal-FEŻR; 4) ir-reġjuni tal-faħam għandhom jiġu identifikati bħala żoni megħjuna skont l-Artikolu 107(3)(a) u (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u r-regoli ta’ għajnuna tal-UE għal dawk ir-reġjuni għandhom jiġu adattati kif xieraq;

24.

itenni l-appell tiegħu biex titnaqqas il-burokrazija u jiġu ssemplifikati l-mekkaniżmi relatati mat-tħejjija ta’ proġetti u l-bini tal-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; itenni t-talba tiegħu biex tkompli tiġi implimentata l-assistenza teknika mfassla apposta biex il-bliet u r-reġjuni jiġu megħjuna jassiguraw investiment għal proġetti ambizzjużi, kemm biex jaċċessaw il-programmi JASPERS u ELENA tal-Bank Ewropew tal-Investiment, kif ukoll biex jiżviluppaw proġetti bankabbli, inklużi proġetti fuq skala iżgħar; jistenna b’ħerqa f’dan il-kuntest il-proposti mħabbra mill-President elett tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen dwar bank Ewropew għall-klima;

25.

jappella għal aktar sinerġiji bejn diversi sorsi ta’ finanzjament fil-livell tal-UE, dak nazzjonali u dak reġjonali, kif ukoll għal sinerġiji aktar b’saħħithom bejn il-finanzjament pubbliku u dak privat biex tiżdied l-effettività tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa;

26.

jappoġġja l-iżvilupp ta’ faċilità finanzjarja tar-reġjuni b’użu intensiv tal-faħam u tal-karbonju biex tiġi pprovduta assistenza finanzjarja u teknika minn stadju bikri ħafna fl-iżvilupp tal-proġetti; jirrakkomanda li l-istrateġiji reġjonali li għadhom kemm ġew żviluppati jintrabtu ma’ pjani komprensivi ta’ ċessjoni minn karburanti fossili u prattiki insostenibbli, filwaqt li jinħolqu opportunitajiet għal impjiegi ta’ kwalità għolja;

L-ixprunar tal-innovazzjoni u l-applikazzjoni strateġika tat-teknoloġija

27.

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali diġà jaġixxu bħala faċilitaturi u katalisti tal-innovazzjoni soċjali, governattiva u teknoloġika, billi jipprovdu pjattaformi organizzattivi u istituzzjonali għall-partijiet ikkonċernati biex jinvolvu ruħhom u jiżviluppaw b’mod konġunt strateġiji għal tranżizzjoni ġusta, sostenibbli u innovattiva tal-enerġija;

28.

jindika li firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet tekniċi għal Ewropa kosteffikaċi u newtrali mil-lat ta’ klima diġà huma disponibbli fis-suq, u li bit-teknoloġiji attwali, sa 86 % tal-emissjonijiet tas-CO2 (7) jistgħu jitnaqqsu b’sistema tal-enerġija interkonnessa;

29.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jitħeġġu soluzzjonijiet innovattivi għall-ħżin tal-enerġija li ma jiddependux fuq ir-riżorsi naturali li huma skarsi jew li huma ġeografikament ikkonċentrati ħafna; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jsir progress fit-teknoloġiji għall-qbid, l-użu u l-ħżin tal-karbonju u fil-proċessi kummerċjali għal dawk il-proċessi industrijali li ma jistgħux jiġu kompletament dekarbonizzati bil-livell attwali ta’ għarfien (eż.: ix-xogħol tal-azzar komprensiv);

30.

jenfasizza li l-ostakli ewlenin għall-implimentazzjoni rapida ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju huma relatati man-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u umani, ma’ politiki, regolamenti u strutturi organizzattivi eżistenti li għadhom jiddependu minn ktajjen ta’ valur ibbażati fuq il-karburanti fossili, kif ukoll ma’ fatturi soċjokulturali bħan-nuqqas ta’ aċċettazzjoni soċjali, hekk kif fir-reġjuni tal-minjieri dan jista’ jwassal għat-telf ta’ impjiegi u tnaqqis fil-popolazzjoni. Jaqbel għalhekk li l-innovazzjoni għandha tiġi minn kuntesti lokali speċifiċi u minnufih tindirizza l-impatt fuq is-sistema u l-komunità ġenerali u tikkumbatti l-proċessi li jikkawżaw in-nuqqas ta’ aċċettazzjoni pubblika;

31.

jitlob għal aktar semplifikazzjoni amministrattiva u tnaqqis tal-ostakli regolatorji fir-rigward tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji u mudelli ta’ negozju ġodda u innovattivi;

32.

jitlob li jitjiebu l-integrità u l-operat tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet, filwaqt li jiġi pprovdut appoġġ għal reġjuni u gruppi vulnerabbli bi provvista ta’ enerġija affidabbli u bi prezz raġonevoli;

Sfidi kumplessi jirrikjedu soluzzjonijiet komuni: l-abilitazzjoni ta’ kontributi biex il-Ftehim ta’ Pariġi jintlaħaq fil-livelli kollha

33.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti l-atturi kollha — iċ-ċittadini, l-industrija, il-privat — filwaqt li jinkiseb l-appoġġ għal dan il-proċess b’mod partikolari tal-parteċipanti li jibqgħu lura, billi jinxteħet dawl fuq il-kobenefiċċji kollha tat-tranżizzjoni tal-enerġija: kwalità tal-arja aħjar, saħħa, ambjent, spazji ekoloġiċi, bijodiversità, enerġija irħas, eċċ.;

34.

jilqa’ l-adozzjoni tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għal Kulħadd (8) u jenfasizza l-importanza ta’ parteċipazzjoni pubblika u kooperazzjoni reġjonali effettivi fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima (9). Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu djalogu permanenti f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet interessati oħra fit-tranżizzjoni tal-enerġija (10) u jsaħħu l-koordinazzjoni orizzontali u vertikali sistematika tat-teħid ta’ deċiżjonijiet mil-lat politiku u tekniku; dan id-djalogu mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-aġenziji tal-enerġija huwa importanti ħafna minħabba li għandhom għarfien profond taż-żona;

35.

jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi sfruttata bis-sħiħ il-komplementarjetà bejn il-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali u l-kontributi stabbiliti fil-livell lokali/reġjonali, billi jiġu appoġġjati l-pjani lokali u reġjonali volontarji integrati (11) u jiġu allinjati r-rekwiżiti ta’ rapportar u jiġu massimizzati l-impatti fost is-setturi (12) u l-livelli ta’ governanza;

36.

jenfasizza li aktar minn 9 000 awtorità lokali u reġjonali madwar l-Ewropa impenjaw ruħhom għal miri ambizzjużi biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jindirizzaw it-tibdil fil-klima billi jipparteċipaw f’inizjattivi bħall-Patt Ewropew tas-Sindki, u billi jiżviluppaw strateġiji u pjani ta’ azzjoni b’rispons dirett għall-ħtiġijiet u l-viżjoni tal-komunità tagħhom għal futur sostenibbli;

It-tfassil ta’ tranżizzjoni tal-enerġija ċċentrata fuq il-persuni

37.

jirrikonoxxi li ċ-ċittadini u l-komunitajiet tal-enerġija issa għandhom opportunitajiet bla preċedent biex isiru “prosumaturi” (parteċipanti attivi fis-suq) u jilqa’ l-istabbiliment formali ta’ komunitajiet tal-enerġija lokali fil-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, u jappella li jiġi pprovdut sett ċar ta’ drittijiet u obbligi, u rekwiżiti għal appoġġ fil-livell nazzjonali biex il-potenzjal ta’ strutturi bħal dan ikun jista’ jintuża kompletament;

38.

biex il-konsumaturi jsiru aktar indipendenti u responsabbli għall-konsum tagħhom tal-enerġija, itenni l-appell tiegħu li jiġu żviluppati grilji u miters intelliġenti (bil-kundizzjoni li jkun sodisfatt l-interess ekonomiku tal-konsumatur finali), li huma affordabbli, kost-effettivi, effiċjenti, tajbin biex jitnaqqas il-frodi, faċli biex jintużaw, sikuri u mfassla skont il-ħtiġijiet u l-istennijiet tal-konsumaturi fir-rigward tal-informazzjoni, tal-kontroll tal-konsum u t-tnaqqis fil-kontijiet tagħhom;

39.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-produzzjoni deċentralizzata tal-prosumaturi, billi jiffavorixxu l-iżvilupp ta’ grilji tal-enerġija u jiżguraw iċ-ċertezza regolatorja għall-investimenti fl-enerġija fuq skala żgħira u kbira, u jżidu l-aċċess għal sistemi, servizzi u pjattaformi ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni diġitalizzati għall-konsumaturi;

40.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ regoli tas-suq ċari, politiki stabbli, proċeduri amministrattivi semplifikati u flessibbli u skemi ta’ appoġġ finanzjarju mmirati biex titħaffef it-tranżizzjoni enerġetika;

It-tisħiħ tas-sinerġiji għal bidla sistematika fis-setturi kollha

41.

jirrikonoxxi s-settur termali bħala komponent essenzjali għall-akkoppjament tas-settur u l-aktar soluzzjoni kosteffettiva li tippermetti li jiġu integrati ishma tal-enerġija rinnovabbli varjabbli sa 87 % u aktar, mat-teknoloġiji diġà disponibbli, filwaqt li tiġi pprovduta flessibbiltà u tiġi żgurata l-istabbiltà ta’ sistema globali ta’ enerġija sostenibbli integrata (13); jinnota li bħalissa hemm telf estrem ta’ enerġija bħal sħana żejda fi ħdan il-produzzjoni tal-elettriku, li teoretikament tista’ tipprovdi l-istokk tal-bini kollu tal-Ewropa (14), li huwa direttament responsabbli għal 36 % tal-emissjonijiet ta’ CO2, u li kważi 75 % tiegħu huwa meqjus bħala ineffiċjenti fl-enerġija (15);

42.

jenfasizza li tranżizzjoni sostenibbli tal-enerġija jeħtieġ li tqis is-sistema tal-enerġija kollha kemm hi, fejn il-produzzjoni, il-provvista, id-distribuzzjoni u l-konsum ikunu marbutin ma’ xulxin; jappoġġja bis-sħiħ l-imperattiv primarju tal-effiċjenza u l-impenn biex il-mira eżistenti ta’ 32 % tal-enerġija rinnovabbli tiżdied għal 40 % sal-2030 bil-għan li jonqos ir-ritmu tat-tisħin globali antropoġeniku u tintlaħaq in-newtralità fil-klima sal-2050, u jappella għal suq tal-enerġija integrat u transsettorjali li fih it-telf tal-enerġija jkun regolat u l-enerġija rinnovabbli tkun tista’ tiġi pprovduta b’mod effiċjenti;

43.

jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-reġjuni ultraperiferiċi fl-implimentazzjoni ta’ tranżizzjoni tal-enerġija sostenibbli. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrikonoxxi r-restrizzjonijiet inerenti fuq dawn ir-reġjuni u biex tadotta leġislazzjoni li tippermettilhom li mill-inqas jitqiegħdu fuq l-istess livell ma’ reġjuni Ewropej oħra;

44.

jenfasizza li t-tranżizzjoni tal-enerġija tipprovdi opportunità biex titfassal sistema tal-enerġija aktar sikura u valida għall-futur billi tiżdied l-effiċjenza enerġetika u jitnaqqas il-konsum, jiżdiedu l-enerġiji rinnovabbli, u jinbnew infrastruttura u interkonnessjonijiet madwar l-Ewropa sabiex ikun hemm reazzjoni rapida għal interruzzjonijiet fil-provvista. Jappoġġja għalhekk l-iżvilupp ta’ sinerġiji bejn iż-żoni urbani u rurali biex jikkombinaw il-potenzjal tagħhom marbut mal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-ġestjoni tal-iskart tal-enerġija f’infrastrutturi tal-enerġija ottimizzati, b’inqas telf ta’ enerġija u aktar reżiljenti;

45.

jenfasizza l-importanza tal-ekonomija ċirkolari bħala parti integrata ta’ tranżizzjoni tal-enerġija sostenibbli, bl-użu ta’ kunċetti taċ-ċiklu tal-ħajja għad-domanda u l-provvista ta’ infrastrutturi, prodotti u servizzi; l-akkwist pubbliku joffri potenzjal kbir biex jitnaqqas l-impatt tal-klima. Dan jenħtieġ li jkun appoġġjat minn rekwiżiti tal-ekodisinn, standards u sistemi ta’ informazzjoni għad-data taċ-ċiklu tal-ħajja, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fl-Istati Membri,u jiġi enfasizzat l-akkwist tal-innovazzjoni bħala strument strateġiku biex jappoġġja dan l-approċċ integrat, li fih l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol kruċjali biex jiżguraw l-implimentazzjoni multisettorjali u l-iskalar;

46.

jenfasizza li biex tinkiseb tranżizzjoni f’diversi livelli, fir-rigward kemm tar-reġjuni kif ukoll tal-muniċipalitajiet, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaħtru maniġers tal-enerġija biex jikkoordinaw b’mod effiċjenti l-politiki dwar il-klima u l-enerġija f’livelli differenti;

47.

iħeġġeġ lill-membri tiegħu biex iwaqqfu intergrupp li jlaqqa’ flimkien rappreżentanti ta’ reġjuni b’użu intensiv tal-faħam u tal-karbonju, kif ukoll l-esperti u l-partijiet interessati rilevanti biex jaħdmu fuq proposti konkreti għal tranżizzjoni tal-enerġija innovattiva u sostenibbli u jiskambjaw l-aħjar prattiki madwar l-UE.

Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Xenarju globali f’konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi jitlob li s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jfornu 70-85 % tal-elettriku sal-2050. Skont l-istatistika tal-2017 li nħarġet mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, is-settur tal-provvista tal-enerġija huwa l-akbar kontributur (28 %) tal-emissjonijiet diretti tal-gassijiet serra fl-UE.

(2)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2019 dwar It-tibdil fil-klima — viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi (2019/2582 (RSP)).

(3)  COM(2018) 773 final.

(4)  Fil-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali, l-UE u l-Istati Membri tagħha għamlu l-impenn biex jilħqu mira ta’ tnaqqis fil-livell tal-pajjiż ta’ mill-anqas 40 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 meta mqabbel mal-1990.

(5)  CDR 3950/2018 (ĠU C 168, 16.5.2019, p. 49).

(6)  COM(2018) 374 final.

(7)  Ix-xenarju ta’ Heat Roadmap Europe 2050 meta mqabbel mal-1990, Quantifying the Impact of Low-carbon Heating and Cooling Roadmaps (en).

(8)  Il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għal Kulħadd jistabbilixi miri għall-2030: mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli ta’ mil-inqas 32 % u mira ta’ effiċjenza fl-enerġija ta’ mill-anqas 32,5 %, bil-possibbiltà ta’ reviżjoni ’l fuq fl-2023.

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(10)  CDR 830/2017 (ĠU C 342, 12.10.2017, p. 111).

(11)  Bħall-Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli u l-Klima taħt il-Patt tas-Sindki.

(12)  Inklużi l-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ, it-trasport, l-iskart, l-agrikoltura u s-sottosetturi tagħhom.

(13)  Ix-xenarju ta’ Heat Roadmap Europe 2050 meta mqabbel mal-1990, Quantifying the Impact of Low-carbon Heating and Cooling Roadmaps.

(14)  Linji Gwida għat-Tranżizzjoni tas-Sistema tal-Enerġija. Il-perspettiva tal-Unjoni tal-Enerġija.

(15)  EASME, “High energy performing buildings - Support for innovation and market uptake under Horizon 2020 energy efficiency” (Bini b’rendiment għoli fl-użu tal-enerġija — Appoġġ għall-innovazzjoni u l-adozzjoni fis-suq taħt l-effiċjenza fl-enerġija ta’ Orizzont 2020).


5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/78


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Bliet intelliġenti: sfidi ġodda għal tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika — kif għandna nimplimentaw l-SDGs fil-ħajja reali?

(2020/C 39/17)

Relatur Ġenerali:

:

Andries GRYFFROY (BE/AE), Membru tal-Parlament Fjamming

Dokument ta’ referenza

:

Ittra ta’ konsultazzjoni mill-Presidenza Finlandiża

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jirrikonoxxi li belt intelliġenti hija post fejn netwerks u servizzi tradizzjonali jsiru aktar effiċjenti bl-użu ta’ teknoloġiji diġitali u ta’ telekomunikazzjoni għall-benefiċċju tal-abitanti u n-negozji tagħhom. Lil hinn mill-użu ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) għal użu aħjar tar-riżorsi u inqas emissjonijiet, belt intelliġenti tinvolvi amministrazzjoni tal-belt aktar interattiva u risponsiva li tagħti servizzi aħjar lill-popolazzjoni tagħha permezz ta’ netwerks tat-trasport urban aktar intelliġenti, provvista tal-ilma u faċilitajiet tar-rimi tal-iskart imtejbin, u modi aktar effiċjenti għad-dawl u t-tisħin tal-bini b’mod li ma jitħalla ħadd jibqa’ lura; belt intelliġenti trid tkun post fejn titpoġġa enfsasi fuq il-ħolqien ta’ strutturi inklużivi u aċċessibbli għall-edukazzjoni u t-taħriġ, sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet u t-talenti taċ-ċittadini u tiġi żgurata l-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fl-iżvilupp tal-komunità tagħhom. Għal din ir-raġuni, jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda fl-enfasi fuq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b’mod partikolari peress li dawn jenfasizzaw il-fatt li s-sostenibbiltà tirrikjedi viżjoni olistika tal-aspetti kollha koperti minnhom;

2.

kif diġà ġie ddikjarat fl-Opinjoni dwar “Il-governanza f’diversi livelli u l-kooperazzjoni transsettorjali fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku (relatur: is-Sinjura Kata Tüttő (HU/PSE)) (1), jenfasizza wkoll l-importanza li tittieħed kunsiderazzjoni tal-faqar enerġetiku meta jiġu ddefiniti politiki differenti, u jqis li wieħed mill-aktar żviluppi tal-politika importanti f’dawn l-aħħar snin huwa r-rikonoximent ċar tal-fatt li jrid jitqies ukoll l-impatt soċjali fit-tfassil tal-politiki dwar l-enerġija u l-klima attwali u futuri;

3.

kif diġà ddikjarat fl-Opinjoni dwar “Bliet u Komunitajiet Intelliġenti – Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni” tar-relatur is-Sur Ilmar Reepalu (SE/PSE), jafferma mill-ġdid l-importanza li tiġi rikonoxxuta l-varjetà kbira eżistenti ta’ żoni urbani, sew jekk jitqiesu bħala bliet u sew jekk le, u l-importanza tar-relazzjoni u l-komplementarjetà tagħhom mat-territorji rurali tal-madwar; kif diġà ddikjarat fl-Opinjoni dwar “Ir-rivitalizzazzjoni taż-żoni rurali permezz tal-Irħula Intelliġenti” tar-relatur is-Sur Enda Stenson (IE/EA), jafferma mill-ġdid ukoll li bi qbil mal-mudell ta’ Belt Intelliġenti, inizjattiva ta’ Żoni Rurali Intelliġenti għandu jkollha approċċ wiesa’ għall-iżvilupp u l-innovazzjoni sabiex tinkludi s-sitt dimensjonijiet li ġejjin:

ekonomija intelliġenti, innovattiva, intraprenditorjali u produttiva;

mobbiltà mtejba, b’netwerks tat-trasport aċċessibbli, moderni u sostenibbli;

viżjoni ta’ enerġija ambjentali u sostenibbli;

ċittadini kwalifikati u involuti;

kwalità tal-ħajja f’termini ta’ kultura, saħħa, sigurtà u edukazzjoni;

amministrazzjoni effiċjenti, trasparenti u ambizzjuża;”

jenfasizza, madankollu, li element addizzjonali essenzjali għall-promozzjoni ta’ “intelliġenza” jrid ikun li jiġu involuti ċ-ċittadini u li jiġu pprovduti l-kundizzjonijiet biex dawn jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom, permezz ta’ edukazzjoni u appoġġ għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-koeżjoni soċjali. Dan jirrikjedi wkoll regolamentazzjoni effettiva, trasparenti u affidabbli tal-protezzjoni tad-data u l-użu tad-data;

4.

jenfasizza d-differenza eżistenti bejn reġjuni, bliet kbar, irħula u komunitajiet żgħar f’termini ta’ riżorsi umani u finanzjarji, ħiliet u diġitalizzazzjoni. F’dan ir-rigward ifakkar li l-istrateġiji ta’ żvilupp intelliġenti għandhom jiġu aġġustati skont l-iskala tal-komunità, u l-approċċ għandu jiġi adattat għas-sitwazzjoni speċifika ta’ kull waħda minnhom, u b’hekk jiffaċilitaw l-infrastruttura u l-appoġġ meħtieġ sabiex il-gruppi kollha jkollhom aċċess sħiħ għas-servizzi tal-informazzjoni u dawk diġitali;

5.

jirrimarka li l-Kummissjoni Ewropea fir-rakkomandazzjonijiet tagħha, maħruġa wara li vvalutat il-Pjani Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u l-Klima (NECP) għall-perjodu 2021-2030 li ppreżentaw l-Istati Membri tal-UE, appellat għal ambizzjoni akbar sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri tal-klima tal-2030 stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’impatt newtrali fuq il-klima sal-2050 permezz ta’ użu akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, kif ukoll permezz tal-modernizzazzjoni tal-ekonomija;

6.

jagħraf li l-iskala tal-isfida, u n-natura trasversali tat-tibdil fil-klima, jirrikjedu soluzzjonijiet integrati u bbażati fuq problemi li jindirizzaw dinamiċi u għanijiet li jinteraġixxu u jinterferixxu ma’ xulxin;

7.

jenfasizza l-importanza ta’ interkonnessjoni b’saħħitha bejn l-SDGs u l-objettivi tal-politika fil-Politika ta’ Koeżjoni 2021-2027, b’mod partikolari l-objettiv tal-politika 2 dwar “Ewropa aktar ekoloġika, b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, li tippromovi t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ġusta, l-investiment ekoloġiku u blu, l-ekonomija ċirkolari, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni tar-riskju”, li jista’ jiffaċilita l-kisba tal-SDGs permezz tal-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-proposti għal Regolament;

8.

jirrikonoxxi li t-tranżizzjoni lejn futur b’impatt newtrali fuq il-klima, lil hinn mill-adattament meħtieġ għall-effetti tat-tibdil fil-klima ud-dekarbonizzazjoni tas-setturi tal-enerġija, tal-bini u tal-mobbiltà, tinvolvi wkoll tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, it-trasformazzjoni sostenibbli tas-sistemi tal-agrikoltura u tal-ikel, u l-protezzjoni ta’ ekosistemi u tal-bijodiversità. Għal dan il-għan, il-Kumitat jappoġġja l-possibbiltà li jiġi stabbilit Osservatorju Ewropew tan-Newtralità Klimatika;

9.

jagħraf l-isforzi tal-Patt tas-Sindki u l-Inizjattiva Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE għall-mobilizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali, in-negozji lokali, l-akkademja u l-istituzzjonijiet edukattivi lokali, kif ukoll organizzazzjonijiet tal-komunità lokali, fl-iżvilupp ta’ strateġiji għad-dekarbonizzazzjoni, u jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej jiffirmaw, jimplimentaw u jimmonitorjaw azzjonijiet skont il-Patt tas-Sindki u l-Inizjattiva Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE;

10.

jistieden lill-Istati Membri jinkludu s-suġġett tal-komunitajiet intelliġenti fil-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tagħhom, billi jagħrfu l-potenzjal kbir tiegħu f’termini ta’ kosteffiċjenza, effiċjenza fl-enerġija u tnaqqis tal-emissjonijiet;

Dwar il-governanza intelliġenti ta’ komunitajiet intelliġenti

11.

jenfasizza li l-bliet u l-komunitajiet intelliġenti jipprovdu opportunità eċċellenti għall-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ governanza intelliġenti u b’dan il-mod itejbu l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali li jieħdu deċiżjonijiet f’ambjent dejjem aktar kumpless;

12.

jenfasizza l-ħtieġa li tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni lejn mudell ta’ governanza intelliġenti fil-livell lokali u reġjonali bl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ servizzi elettroniċi, li jippermettu liċ-ċittadini jaċċessaw firxa usa’ ta’ servizzi elettroniċi tal-gvern minn kont wieħed;

13.

jitlob li s-Semestru Ewropew jitqies bħala għodda għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-UE u bħala qafas li fih issir il-ħidma biex jissaħħu l-SDGs u li jservi għall-ippjanar, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom madwar l-UE;

14.

jafferma mill-ġdid ir-rwol kruċjali tal-governanza fuq diversi livelli biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali jistgħu jindirizzaw it-tibdil fil-klima b’mod effettiv u jimplimentaw l-SDGs u jikkunsidra l-bliet intelliġenti bħala fattur abilitanti f’dan il-kuntest;

15.

jirrikonoxxi l-użu tat-tassazzjoni u l-akkwist pubbliku bħala għodda biex tiġi aċċellerata l-introduzzjoni fis-suq ta’ teknoloġiji innovattivi u sostenibbli, filwaqt li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tagħhom tkun immexxija mid-domanda u tippermetti l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet lokali u deċentralizzati għall-isfidi;

16.

iqis li data miftuħa f’formati standard bħala għodda ewlenija għall-appoġġ tal-ħolqien u l-iżvilupp ta’ bliet intelliġenti u jenfasizza li, flimkien ma’ dawn, il-provvista ta’ “komponenti miftuħa” (jiġifieri interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (API) miftuħa) se tiffunzjona bħala komponent sinifikanti għall-ġenerazzjoni u l-multiplikazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ bliet intelliġenti b’veloċità ogħla u b’flessibbiltà akbar;

17.

jirrikonoxxi l-potenzjal tad-data ġġenerata minn interfaċċi tal-utent fid-dinja reali, bħal apparati mobbli jew arloġġi intelliġenti taċ-ċittadini, u jappella għall-iżvilupp ta’ oqfsa komprensivi li jintegraw u jużaw data ġġenerata mill-utenti għall-finijiet ta’ governanza intelliġenti u, fl-istess ħin, jiggarantixxu l-protezzjoni meħtieġa għas-sidien tad-data;

18.

ifakkar fl-importanza li jiġu appoġġjati l-objettivi klimatiċi fil-livell reġjonali jew tal-belt, kemm meta jiġu imposti b’mod dirett kif ukoll meta jiġu derivati minn objettivi klimatiċi f’livell ogħla, b’rotot ta’ tranżizzjoni lokali tekniċi u xjentifiċi sodi lejn l-objettivi stabbiliti;

19.

jenfasizza li governanza urbana sostenibbli u intelliġenti tinvolvi bidla minn politiki mhux olistiċi fuq terminu qasir, għal approċċi sistemiċi u bbażati fuq it-tagħlim fit-tul. Din il-bidla tirrikjedi ġestjoni tat-tibdil strateġika u kontinwa, applikata għal dawk l-istrutturi tal-governanza urbana eżistenti li jistgħu jwasslu għal teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qosor u iżolati;

20.

jenfasizza li flimkien mal-importanza li jiġu imposti objettivi, hemm ukoll il-bżonn li jiġu elaborati l-miżuri konkreti meħtieġa, u l-monitoraġġ li jakkumpanja ta’ dawn il-miżuri, sabiex ikunu jistgħu jsiru aġġustamenti kif meħtieġ. L-istabbiliment ta’ netwerks ta’ tagħlim ma’ oħrajn u ma’ ċentri tal-għarfien se jtejjeb dan il-“proċess ta’ tagħlim” ta’ objettivi kontra miżuri;

Bliet u rħula intelliġenti u l-implimentazzjoni tal-SDGs

21.

ifakkar li l-KtR ilu jaħdem b’mod intensiv fuq il-qafas tal-SDGs għal dawn l-aħħar snin u li l-Opinjonijiet reċenti dwar “L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs): bażi għal strateġija fit-tul tal-UE għal Ewropa sostenibbli sal-2030” tar-relatur is-Sur Arnoldas Abramavičius (LT/PPE) (2) u dwar “Ewropa Sostenibbli sal-2030: Segwitu tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima” tar-relatur is-Sinjura Sirpa Hertell (FI/PPE) (3) jiġbru fil-qosor il-pożizzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni;

22.

jafferma mill-ġdid “il-ħtieġa kruċjali għal stadji importanti tanġibbli miftiehma b’mod konġunt, indikaturi, u kejl fil-ħin reali tad-data relatata mat-tibdil fil-klima u mal-SDGs tal-muniċipalitajiet, il-bliet u r-reġjuni lokali biex jinkisbu l-miri ta’ sostenibbiltà ekonomika, ekoloġika, soċjali u kulturali” kif iddikjarat fl-Opinjoni dwar “Ewropa Sostenibbli sal-2030: Segwitu tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima” tar-relatur is-Sinjura Sirpa Hertell (FI/PPE) (4). F’dan ir-rigward jenfasizza li l-bliet u l-komunitajiet intelliġenti jistgħu jkunu pijunieri permezz tat-teknoloġiji intelliġenti u l-proċessi tal-ġbir tad-data li qed jimplimentaw;

23.

jafferma mill-ġdid “il-ħtieġa għal data robusta dwar il-klima sottonazzjonali u l-importanza tal-użu ta’ teknoloġija ġdida bħall-intelliġenza artifiċjali biex jinxteħet dawl fuq l-azzjonijiet klimatiċi mill-komunitajiet lokali”. F’dan ir-rigward ifakkar fl-importanza li jsir l-aħjar użu mill-bażi tad-data tal-Patt tas-Sindki u mill-opportunità li jinħoloq pont bejn id-data lokali u l-Kontributi Stabbiliti fil-livell Nazzjonali permezz tal-istabbiliment ta’ Kontributi Stabbiliti fil-livell Lokali” (5). F’dan il-kuntest ifakkar għal darba oħra fl-importanza kruċjali li l-bliet u l-komunitajiet intelliġenti jiġu pprovduti b’għodod bl-għan li jtejbu l-kapaċità tagħhom li tinġabar u tiġi analizzata data u li tintuża biex ittejjeb il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

24.

iqis approċċ intelliġenti bħala għodda ewlenija għall-kisba tal-miri relatati mal-Għan 11 dwar Bliet u Komunitajiet Sostenibbli u mal-Għan 13 dwar Azzjoni Klimatika;

25.

jirrikonoxxi li bliet intelliġenti jridu jinvolvu liċ-ċittadini tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv biex ifasslu l-kuntest lokali tagħhom; l-inizjattiva tal-bniedem, appoġġjata u ssupplimentata mill-ICT, u servizzi lokali adattati għaċ-ċittadini, jistgħu jippermettu l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet intelliġenti u ideat kollettivi li jtejbu l-bliet u jkabbru s-sostenibbiltà tagħhom, biex b’hekk jinbnew il-kapital soċjali u komunitajiet reżiljenti filwaqt li titqies ukoll il-ħtieġa li jiġi indirizzat il-Faqar Enerġetiku; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza li jitnaqqas id-distakk diġitali u li jkun hemm titjib tal-ħiliet taċ-ċittadini biex jiġu żgurati komunitajiet intelliġenti li ma jissegregawx ċittadini vulnerabbli u sabiex tiġi evitata kull tip ta’ esklużjoni soċjali; jemmen ukoll li huwa importanti li tiġi promossa l-effiċjenza enerġetika u teknoloġiji innovattivi f’akkomodazzjoni soċjali sabiex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku;

Bliet u rħula intelliġenti u t-tranżizzjoni lejn Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, b’impatt newtrali fuq il-klima u bijodiversa

26.

sabiex tkun tista’ ssir tranżizzjoni intelliġenti, iqis li huwa strateġikament importanti li jiġu żviluppati programmi speċifiċi biex jiżdiedu l-ħiliet diġitali tal-popolazzjoni, li jkopru gruppi ta’ etajiet u kundizzjonijiet professjonali varji, li jibnu fuq l-esperjenzi u l-aħjar prattiki li huma komparabbli ma’ proġetti ta’ bliet intelliġenti;

27.

jilqa’ l-esperjenza pijuniera ta’ xi komunitajiet intelliġenti li diġà qed jimxu lejn soluzzjonijiet ta’ ekonomija ċirkolari għall-bini, il-mobbiltà, prodotti, immaniġġjar tal-iskart u fl-ippjanar u l-immaniġġjar tat-territorji tagħhom, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi aktar dan l-aspett għall-komunitajiet intelliġenti kollha. Dawn il-kontributi se jkollhom rwol sinifikanti fl-ilħuq tal-SDGs;

28.

jinnota li teknoloġiji intelliġenti għandhom rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa u l-implimentazzjoni b’suċċess tat-tranżizzjoni għall-enerġija nadifa. F’dan is-sens jindika l-bliet u l-komunitajiet intelliġenti bħala għodda b’saħħitha biex jiġi żgurat li dawn it-teknoloġiji intelliġenti jiġu implimentati b’mod konsistenti u armonizzat, biex is-sinerġiji potenzjali eżistenti jiġu sfruttati bl-aħjar mod;

29.

jikkunsidra lill-komunitajiet tal-enerġija lokali bħala riżorsa b’saħħitha sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta lejn enerġija nadifa u jippromovi l-involviment taċ-ċittadini fil-bliet u l-komunitajiet intelliġenti, u jfakkar, f’dan il-kuntest, fis-suġġerimenti li għamel fl-Opinjoni tiegħu dwar dan is-suġġett (6);

30.

ifakkar li n-natura għandha rwol importanti fl-SDGs relatati mal-faqar, il-ġuħ, is-saħħa, il-benessri u bliet sostenibbli. Jenfasizza l-fatt li l-bliet u l-komunitajiet intelliġenti għandhom jikkunsidraw soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u infrastruttura ekoloġika bħala politiki komplementari essenzjali sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni ta’ servizzi tal-ekosistema u l-bijodiversità, jiġi promoss l-użu sostenibbli tagħhom u jiġi limitat it-teħid tal-art;

31.

ifakkar li s-strateġija fit-tul tal-Ewropa għal newtralità klimatika sal-2050 tirrikonoxxi r-rwol ċentrali ta’ teknoloġiji u bliet intelliġenti fil-kisba tan-newtralità klimatika;

32.

ifakkar, minbarra ż-żieda fl-integrazzjoni tal-klima baġitarja, l-appelli għal miżuri effettivi biex jiġu eliminati gradwalment is-sussidji fuq il-karburanti fossili sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-enerġiji rinnovabbli, titħeġġeġ il-bidla fl-imġiba u jiġu ġġenerati r-riżorsi meħtieġa biex tiġi appoġġjata tranżizzjoni ġusta;

33.

jinnota li t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika toħloq impjiegi ta’ kwalità fl-ekonomija ċirkolari, fis-setturi tal-enerġija nadifa, tal-ikel u tal-agrikoltura, u jistieden lill-UE żżid il-koerenza tal-objettivi klimatiċi permezz tal-politika ta’ koeżjoni, tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE+) u InvestEU;

34.

jinnota li soluzzjonijiet ta’ “ilma intelliġenti” qed jikbru fl-importanza bħala komponent ta’ politika kompleta dwar il-bliet intelliġenti mmirata lejn soluzzjonijiet sostenibbli għall-klima;

35.

ifakkar fir-rilevanza tal-implimentazzjoni ta’ infrastrutturi intelliġenti u jikkunsidra l-bliet u komunitajiet intelliġenti bħala pijunieri naturali f’dan il-qasam;

36.

ifakkar li l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini hija kwistjoni ewlenija bil-għan li jkun hemm tranżizzjoni b’suċċess lejn impatt newtrali fuq il-klima u li soluzzjonijiet intelliġenti huma intiżi li jkollhom rwol deċiżiv; ifakkar, f’dan is-sens, li dawn is-soluzzjonijiet intelliġenti x’aktarx li jkunu effettivi biss jekk ikunu utilizzati fil-kuntest ta’ bliet u komunitajiet intelliġenti u jekk ma jkunux implimentati bħala soluzzjoni iżolata; ifakkar ukoll f’dan il-kuntest fir-rwol importanti tal-“Inizjattiva Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti” biex jiġu pprovduti mekkaniżmi ta’ finanzjament għal dan l-għan;

37.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol kruċjali fl-implimentazzjoni ta’ politika tad-djar sostenibbli u jagħtu kontribut sinifikanti biex l-għanijiet ta’ politika tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jitwettqu fil-prattika;

38.

jappella għall-għoti ta’ inċentivi orjentati lejn l-effiċjenza massima tal-enerġija f’binjiet ġodda u modifiki retroattivi skont l-istandards f’konformità mal-Istandard ta’ Dar Passiva, flimkien, fejn xieraq, mal-użu ta’ teknoloġija intelliġenti fil-bini;

39.

ifakkar fl-appoġġ tal-KtR għal Pjani ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli bbażati fuq il-multimodalità u l-użu kkoordinat ta’ trasport reġjonali urban b’emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet u l-loġistika, b’enfasi fuq ir-rwol prinċipali tal-ferroviji u ta’ trasport fuq l-ilma biex jitnaqqsu l-emissjonijiet;

40.

ifakkar li s-settur tat-trasport urban bħalissa qed isawwar u jesperjenza bidla fundamentali, bi tranżizzjonijiet li jikkoinċidu fil-qasam tal-użu tal-enerġija (elettrifikazzjoni, karburanti alternattivi), tat-teknoloġiji (Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti) u tal-bidla fl-imġiba (ekonomija kollaborattiva, enfasi fuq l-ivvjaġġar attiv). Dawn il-bidliet jaffettwaw lill-passiġġieri kif ukoll it-trasport tal-merkanzija, in-negozju kif ukoll l-ivvjaġġar għad-divertiment. Din il-bidla fundamentali tista’ tiġi diretta lejn il-kisba ta’ objettivi ta’ Bliet Intelliġenti bħalma huma l-istimolu tas-suq tal-innovazzjoni lokali, l-integrazzjoni tal-aqwa teknoloġiji disponibbli u t-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-għarfien.

41.

jikkunsidra wkoll li teknoloġiji ta’ mobbiltà intelliġenti jistgħu jgħinu biex jinstabu soluzzjonijiet ta’ mobbiltà sostenibbli f’territorji b’densità baxxa, żoni rurali u reġjuni periferali, kif ukoll jippromovu xejra ta’ mobbiltà attiva li tista’ ttejjeb is-saħħa taċ-ċittadini;

Il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet għal komunitajiet intelliġenti biex jiġu ffinanzjati u aċċellerati soluzzjonijiet innovattivi

42.

ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi u reġjuni insulari oħrajn huma postijiet ideali biex jiġu ttestjati teknoloġiji, enerġija u proċeduri alternattivi, u li huma kklassifikati wkoll bħala “laboratorji ħajjin”. L-iżolament, id-distanza miċ-ċentru tal-Ewropa, il-bijodiversità għolja, il-viċinanza u l-aċċessibbiltà għall-baħar, il-fenomeni ambjentali estremi (atmosferiċi u ġeoloġiċi) u d-disponibbiltà tal-enerġija ġeotermali tagħhom, fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-SDGs, pjuttost milli limitazzjonijiet, huma vantaġġi ġeografiċi li jipprovdu l-opportunità għall-ittestjar ta’ prototipi taħt kundizzjonijiet ikkontrollati iżda bl-ogħla livell ta’ diffikultà.

43.

jenfasizza l-potenzjal ta’ żoni lokali fejn għodod regolatorji flessibbli u innovattivi, jew alternattivi għar-regolamentazzjoni, jistgħu jiġu ttestjati f’dinja reali f’kuntest urban, li jistgħu jippermettu l-esplorazzjoni, u l-implimentazzjoni sussegwenti possibbli, ta’ innovazzjonijiet sostenibbli (eż. fil-qasam tal-abitazzjoni); il-belt bħala “magna tat-tagħlim” tiffaċilita t-tagħlim soċjali u tippermetti kooperazzjoni li tista’ tnaqqas ir-riskji soċjali;

44.

jenfasizza l-importanza ta’ deċentralizzazzjoni fil-qasam fiskali, sabiex tiġi ffaċilitata l-inkorporazzjoni mtejba ta’ miżuri fiskali reġjonali u urbani (kbar) orjentati lejn il-klima fil-kuntest lokali;

45.

jenfasizza l-importanza li l-komunitajiet lokali jiġu pprovduti bl-għodod u l-attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċità biex jippermettu t-tranżizzjoni lejn komunitajiet intelliġenti, biex b’hekk jitnaqqas id-distakk diġitali u jiġi żgurat li l-ebda ċittadin u l-ebda territorju ma jibqa’ lura;

46.

ifakkar fir-rwol kruċjali ta’ Sħubiji Pubbliċi-Privati (PPP) fl-implimentazzjoni ta’ bliet u komunitajiet intelliġenti u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel aktar sforzi biex toħloq il-kundizzjonijiet li jippermettu lil awtoritajiet lokali kbar u żgħar japplikaw dan l-istrument;

47.

itenni mill-ġdid ir-rwol tal-komunitajiet intelliġenti bħala l-ixprunaturi ta’ tranżizzjoni tal-enerġija intelliġenti u inklussiva u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja aktar il-bliet u l-komunitajiet intelliġenti fl-azzjoni tagħhom permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament dedikati u aċċessibbli;

48.

jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tidentifika Missjoni dwar bliet b’impatt newtrali fuq il-klima u intelliġenti fil-qafas tal-Orizzont Ewropa l-ġdid;

49.

jitlob li l-politika tal-klima tal-UE tkun olistika u bbażata fuq approċċ sistemiku u integrat, filwaqt li jinnota li s’issa l-politiki tal-UE u nazzjonali ħafna drabi jkunu frammentati bejn setturi u kategoriji differenti u bejn żoni urbani u rurali.

Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  COR-2018-05877-00-01-AC-TRA (MT) (ĠU C 404, 29.11.2019, p. 53).

(2)  COR-2019-00239-00-00-AC-TRA (MT) (ĠU C 404, 29.11.2019, p. 16).

(3)  COR-2019-00965-00-01-PAC-TRA (MT) (ara paġna 27 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  COR-2019-00965-00-01-PAC-TRA (MT).

(5)  COR-2019-00965-00-01-PAC-TRA (MT).

(6)  ĠU C 86, 7.3.2019, p. 36.


5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/83


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Ewropa Diġitali għal kulħadd: noffru soluzzjonijiet diġitali intelliġenti u inklużivi fil-prattika

(2020/C 39/18)

Relatur

:

Anne Karjalainen (FI/PSE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Kerava

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

ifassal, fuq talba tal-Presidenza tal-Finlandja tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, proposti sodi dwar kif il-komunitajiet lokali u reġjonali jistgħu jiżviluppaw u jimplimentaw soluzzjonijiet diġitali intelliġenti u inklużivi għal kull ċittadin, irrispettivament minn fejn jgħixu fl-Unjoni Ewropea;

2.

jieħu nota tal-proposti li saru mill-President u l-ewwel Viċi President tal-KtR fid-dokument ta’ strateġija “Ewropa Diġitali għal Kulħadd” (1) biex jiġu inklużi fl-aġenda strateġika li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali;

3.

jixtieq li l-proposti jikkontribwixxu għall-approċċi strateġiċi tal-programm ta’ tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Ewropa Diġitali, li għandhom jiddeterminaw il-kontenut tal-programmi ta’ ħidma u tal-applikazzjonijiet għall-finanzjamenti speċifiċi għall-perjodu 2021-2022; jixtieq jikkontribwixxi għall-prijoritajiet ta’ investiment tal-programm Ewropa Diġitali: il-computing bi prestazzjoni għolja, l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà, il-ħiliet diġitali avvanzati u l-appoġġ għall-aktar użu mifrux possibbli tat-teknoloġiji diġitali fis-setturi differenti tas-soċjetà.

Sfidi soċjetali li għandhom jiġu indirizzati minn soluzzjonijiet diġitali

4.

jinsab imħasseb li, filwaqt li l-prijoritajiet tal-aġenda politika futura tal-Kummissjoni jissottolinjaw il-ħtieġa li jiġu promossi teknoloġiji bejn il-fruntieri, bħall-intelliġenza artifiċjali u l-ekonomija tal-pjattaformi, dawn ma jenfasizzawx biżżejjed Suq Uniku Diġitali inklużiv;

5.

jenfasizza li s-suċċess sostenibbli tas-Suq Uniku Diġitali jirrikjedi li ċ-ċittadini kollha jibbenefikaw minnu fl-Unjoni Ewropea kollha;

6.

japprova l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal programm sod ta’ Ewropa Diġitali, li, madankollu, għandu jiġi estiż fl-Unjoni Ewropea kollha permezz ta’ netwerk ta’ ċentri ta’ innovazzjoni diġitali reġjonali ffinanzjati mill-programm, sabiex kulħadd ikollu opportunità raġonevoli li jibbenefika mill-iskambju ta’ informazzjoni, it-tagħlim bejn il-pari u l-iżvilupp ta’ sħubijiet interreġjonali;

7.

iqis li l-aċċess għall-ekonomija diġitali u l-parteċipazzjoni attiva fiha huma essenzjali għas-suċċess tal-iżvilupp lokali u reġjonali fil-futur;

8.

iqis li t-terminu “koeżjoni diġitali” huwa dimensjoni addizzjonali importanti tal-kunċett tradizzjonali ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali definit fit-Trattat tal-UE. Għalhekk il-KtR jipproponi dibattitu miftuħ dwar ir-rwol futur tad-diġitalizzazzjoni fil-promozzjoni tal-“koeżjoni” fl-Unjoni Ewropea. L-għan huwa li jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali, bħall-isfidi demografiċi, it-tibdil fil-klima u l-ambjent tax-xogħol li qed jinbidel, filwaqt li jiġi żgurat li l-ebda persuna jew reġjun ma jiġu esklużi;

9.

jilqa’ l-approċċ ibbażat fuq il-fenomenu użat mill-Kummissjoni biex jiġu sfruttati r-riċerka u l-innovazzjoni bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet għal sfidi globali. It-teknoloġiji diġitali huma faċilitatur ewlieni fl-isforzi tal-Istati Membri tal-UE biex jindirizzaw l-isfidi soċjetali sinifikanti li jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-UE f’oqsma bħat-tibdil fil-klima, it-tibdil demografiku u t-tibdil fis-suq tax-xogħol;

10.

jenfasizza, b’mod partikolari, il-potenzjal tat-teknoloġiji eżistenti u emerġenti fis-settur pubbliku sabiex jitnaqqsu l-piżijiet u l-ħela amministrattivi, jinġabru l-kisbiet fl-effiċjenza u jiġu pprovduti soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi soċejtali;

11.

japprova viżjoni tal-Ewropa fejn it-teknoloġiji diġitali, l-innovazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali jistgħu jipprovdu lin-nies tal-Ewropa b’impjiegi kompetittivi, saħħa u kwalità tal-ħajja aħjar, servizzi pubbliċi aħjar u l-aċċess għall-flussi internazzjonali ta’ għarfien;

12.

jitlob li jkun hemm kooperazzjoni Ewropea b’saħħitha bejn il-livelli kollha ta’ gvern fl-UE biex jinkiseb użu aħjar, aktar titjib u tisħiħ ta’ trasformazzjoni diġitali mmexxija miċ-ċittadini fil-bliet u l-komunitajiet;

13.

jinnota li huwa essenzjali, minn perspettiva ta’ politika tal-UE, li jsir investiment fil-ħolqien ta’ ekosistemi innovattivi, filwaqt li tittejjeb l-innovazzjoni f’teknoloġiji kruċjali bħall-IA, l-Internet tal-Oġġetti u l-5G fil-livell lokali u reġjonali madwar l-UE, u li jiġu identifikati strateġiji reġjonali tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti taħt il-fondi rilevanti tal-UE bħala opportunità ewlenija;

14.

iqis li huwa importanti li r-reġjuni jkunu jistgħu jevalwaw l-istatus taċ-ċentri eżistenti fid-dawl tal-kriterji għal ċentri ta’ innovazzjoni diġitali u l-kompiti futuri tagħhom. Sabiex l-SMEs u l-gvernijiet lokali jibbenefikaw tassew mill-għarfien espert taċ-ċentri, iċ-ċentri u n-netwerks tagħhom għandhom jiffunzjonaw b’mod effiċjenti abbażi ta’ livell għoli ta’ għarfien espert u ta’ servizz. Il-kopertura reġjonali u tematika taċ-ċentri u l-kooperazzjoni mal-iskejjel lokali u l-universitajiet u ma’ ekosistemi reġjonali huma importanti biex jintlaħaq l-objettiv;

15.

jenfasizza li n-netwerk taċ-ċentri ta’ innovazzjoni diġitali għandu jiġi promoss madwar l-UE, bil-ħsieb li jiġi żgurat li kull reġjun NUTS2 ikollu ċentru wieħed, stabbilit bl-appoġġ tal-programm Ewropa Diġitali;

16.

jinnota li s-saħħa tal-Ewropa għandha tkun fil-kapaċità tagħha li tidentifika l-opportunitajiet ipprovduti mill-intelliġenza artifiċjali u l-kwistjonijiet etiċi, u li dawn jiġu rikonċiljati. Il-valuri komuni ewlenin tal-Ewropa jipprovdu opportunitajiet tajbin sabiex id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem jitqabblu mal-intelliġenza artifiċjali. Huma meħtieġa linji gwida etiċi u qafas legali għall-intelliġenza artifiċjali;

17.

jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jimpenjaw ruħhom f’kooperazzjoni wiesgħa biex itejbu l-interoperabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u jtejbu t-twassil tas-servizzi pubbliċi. L-iżvilupp ta’ infrastrutturi transkonfinali, tal-interoperabbiltà u ta’ standards komuni huwa wieħed mill-elementi tal-programm Ewropa Diġitali li jista’ jwassal għal valur miżjud Ewropew reali. L-interkonnessjoni ta’ infrastrutturi elettroniċi kbar Ewropej, nazzjonali u reġjonali għandha tissokta; Għal dan il-għan, jappella għall-kontinwazzjoni tal-programm ISA2 (Soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej) lil hinn mill-2020;

Tingħata s-setgħa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali

18.

ifakkar li l-bliet u r-reġjuni – ta’ kull daqs u madwar l-Ewropa kollha – għandhom ikunu parti mit-trasformazzjoni diġitali Ewropea. Ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet iridu jieħdu deċiżjonijiet dwar ir-rivalutazzjoni amministrattiva, l-infrastruttura teknika, is-servizzi u l-politika dwar id-data. Il-programm Ewropa Diġitali għandu jipprovdi programmi ta’ taħriġ settorjali għal ħiliet diġitali avvanzati lill-amministraturi reġjonali u lokali;

19.

japprova d-dikjarazzjoni li jmiss tal-Eurocities “Collaborate, Empower, Sustain” (Ikkollabora, Agħti s-Setgħa, Appoġġja) fejn il-forzi għandhom jingħaqdu biex tiġi promossa t-trasformazzjoni diġitali fil-bliet u l-komunitajiet tal-Ewropa, bil-għan li titrawwem kooperazzjoni Ewropea b’saħħitha bejn il-livelli kollha tal-gvern fl-UE biex jinkiseb użu aħjar, aktar titjib u tisħiħ ta’ trasformazzjoni diġitali mmexxija miċ-ċittadini fil-bliet u l-komunitajiet;

20.

jaqbel mal-Eurocities li l-bliet u l-komunitajiet huma l-post ideali fejn jiġu ttestjati s-soluzzjonijiet diġitali, fejn jiġu żgurati l-parteċipazzjoni kkoordinata tal-partijiet interessati u l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini;

21.

jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jrawmu d-djalogu bejn il-livelli kollha tal-gvern u l-industrija, l-impjegaturi u l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-impjegati f’ambjent tax-xogħol dejjem aktar diġitalizzat, waqt li jerġgħu jitqiesu l-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri tal-UE b’mod konsistenti mal-aħħar sfidi ikkawżati mit-teknoloġija;

22.

jinnota li l-iżgurar ta’ provvista ta’ riżorsi naturali u t-tnaqqis tal-marka tal-karbonju huma aspetti ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli. Huwa possibbli li jiġi aċċellerat l-iżvilupp sostenibbli permezz tad-diġitalizzazzjoni u l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet intelliġenti fin-negozju, fil-ħajja ta’ kuljum u fis-servizzi pubbliċi, b’mod partikolari l-effiċjenza tat-trasport u l-enerġija;

23.

jistieden lill-atturi reġjonali u lokali jużaw kemm jista’ jkun liċenzji minn sorsi miftuħa. Is-softwer u l-komponenti tas-softwer ikkummissjonati mill-gvern lokali għall-ħtiġijiet tiegħu stess għandhom, fil-prinċipju, jiġu prodotti taħt liċenzja ta’ softwer li tippermetti lill-klijent, skont ix-xewqat u l-ħtiġijiet tiegħu, jeditja, jiżviluppa u jiddistribwixxi l-prodott jew li dan ikun jista’ jsir minn parti terza. Dan jinkoraġġixxi l-ħolqien ġenwin ta’ ekosistemi u kompetizzjoni miftuħa bbażata fuq l-għarfien. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-kumpens tal-proġetti b’sors miftuħ jitħallas lil atturi reġjonali u lokali, mhux lil partijiet barra mill-UE. Is-soluzzjonijiet li jistgħu jerġgħu jintużaw iżidu l-fiduċja u jiżguraw it-trasparenza, u b’hekk jiġu aċċettati miċ-ċittadini;

24.

jenfasizza li, fil-kuntest tas-servizzi pubbliċi interoperabbli, l-informazzjoni diġitali pproċessata mill-amministrazzjonijiet pubbliċi tista’ ssir f’konformità ma’ speċifikazzjonijiet/standards miftuħa u tkun disponibbli għall-aċċess u l-użu mill-ġdid bħala data miftuħa, sakemm ma jkunux japplikaw restrizzjonijiet speċifiċi (pereżempju għall-protezzjoni tad-data personali, il-kunfidenzjalità jew id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali) (2). Jaqbel, b’rabta ma’ dan, dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għal softwer b’sors miftuħ u li tingħata kunsiderazzjoni attiva u ġusta tal-użu ta’ softwer b’sors miftuħ, b’kont meħud tal-ispiża totali tas-sjieda tas-soluzzjoni (3), filwaqt li tingħata preferenza lill-ispeċifikazzjonijiet miftuħa;

25.

jappoġġja l-proposta magħmula mid-DĠ CNECT waqt l-Assemblea Diġitali 2019 biex jiġi prodott “DESI lokali” biex jiġi kkompletat l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) eżistenti li jiġi prodott kull sena fil-livell nazzjonali; jirrakkomanda kooperazzjoni mill-qrib bejn id-DĠ CNECT, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, il-programm ESPON (in-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Ippjanar tal-Ispazji) u inizjattivi u istituzzjonijiet oħra biex jiġi żviluppat il-kunċett għal tali indiċi, li mbagħad għandu jiġi prodott fuq bażi annwali mid-DĠ CNECT flimkien mal-indiċi nazzjonali tad-DESI;

26.

jara d-DESI lokali bħala għodda importanti biex jiġi vvalutat l-impatt territorjali u t-tmexxija tal-politiki futuri tal-UE biex tiġi promossa inklużività diġitali aktar b’saħħitha u biex jiġu identifikati sfidi speċifiċi ta’ inugwaljanzi diġitali. Il-KtR jenfasizza li d-DESI lokali jkun utli wkoll għall-bliet u r-reġjuni Ewropej biex jidentifikaw l-isfidi komuni u l-prattiki ta’ suċċess u jippromovu t-tagħlim bejn il-pari u l-kooperazzjoni bejn il-bliet u r-reġjuni;

27.

jissuġġerixxi – abbażi tal-esperjenza pożittiva bl-inizjattiva WIFI4EU – li jiġu żviluppati inizjattivi simili li huma faċli biex jintużaw b’piż amministrattiv limitat għall-benefiċjarji. Tista’ tiġi introdotta skema ta’ vouchers simili għall-awditi diġitali fil-livell lokali fejn l-awtoritajiet lokali parteċipanti jirċievu voucher għal valutazzjoni inizjali tad-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi diġitali fil-komunità, u mbagħad is-sejbiet jintużaw għal dibattitu infurmat fil-kunsill lokali u maċ-ċittadini lokali. Dawn ir-rapporti ta’ awditi għandhom jintużaw ukoll biex jipprovdu xi pariri biex ikun hemm rabta ma’ inizjattivi simili f’awtoritajiet lokali oħra fl-UE u biex jiġi aċċessat appoġġ addizzjonali tal-UE jekk ikun meħtieġ.

28.

jenfasizza li t-trasformazzjoni diġitali jeħtieġ li tinbena fuq ekonomija ta’ data sostenibbli, kompetittiva u mmexxija mill-bniedem fl-UE, li għandha tkun ibbażata fuq il-kwalità tad-data u għandha tirrispetta d-drittijiet u l-privatezza tal-individwu. L-Ewropa għandha tiżviluppa approċċ globali u toħloq qafas għall-governanza tad-data – billi tqis id-data bħala beni u riżorsi pubbliċi għad-demokrazija u l-iżvilupp lokali – kif ukoll tiggwida l-prinċipji tad-data biex jiġu indirizzati l-inkonsistenza u l-frammentazzjoni;

29.

jitlob li tissaħħaħ il-protezzjoni tad-data personali, filwaqt li tiġi indirizzata b’mod partikolari l-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-GDPR (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) f’oqsma ta’ interess ġenerali, u jenfasizza l-ħtieġa għal definizzjoni Ewropea tal-kunċett ta’ data ta’ interess ġenerali fil-livell territorjali;

30.

jissottolinja l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni kruċjali tad-data, fiha nnifisha u fil-kuntest tal-Intelliġenza Artifiċjali, u l-mod kif tiġi ttrattata mill-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-Kumitat jista’ jikkontribwixxi f’dan ir-rigward billi jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-approfondiment tar-riflessjoni dwar il-ġestjoni ta’ data personali u pubblika mill-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-KtR jenfasizza wkoll ir-rwol tad-data miftuħa fit-tixrid tal-innovazzjonijiet diġitali għat-territorji, bħala kontroparti demokratika u sors ta’ tiġdid tal-impenn taċ-ċittadini. Fl-istess ħin, jappella għal riflessjoni serja dwar il-prinċipji taċ-ċirkolazzjoni tad-data fid-dawl tal-isfidi tal-protezzjoni u s-sovranità tad-data ta’ interess ġenerali fir-rigward tal-ġganti diġitali;

Enfasi fuq iċ-ċittadin

31.

jistieden lil-livelli kollha tal-gvern jaħdmu biex iżidu l-involviment u l-għoti tas-setgħa taċ-ċittadini fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni, li jippermettulhom li jkollhom rwol fil-ħolqien konġunt ta’ soluzzjonijiet diġitali ġodda li jindirizzaw varjetà ta’ ħtiġijiet taċ-ċittadini, speċjalment fil-kuntest ta’ bliet aktar intelliġenti u proġetti komunitarji. Minflok l-iżvilupp tal-prodotti mmexxi mit-teknoloġija, jeħtieġ li tingħata attenzjoni biex jiġu żviluppati tekniki, servizzi u prodotti ffukati fuq il-bniedem, inkluż id-disinn iċċentrat fuq l-utent, il-kokreazzjoni u l-pilotaġġ rapidu;

32.

jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni hija kwistjoni ta’ fiduċja, li mingħajrha ma jkunx possibbli li jiġu żviluppati servizzi elettroniċi pubbliċi jew tiġi pprovduta l-protezzjoni meħtieġa għall-konsumaturi;

33.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati kapaċitajiet pubbliċi lokali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi diġitali u biex tinbena l-awtonomija tal-awtoritajiet lokali fid-dawl tal-ġganti diġitali. Il-ħolqien ta’ pjattaformi pubbliċi lokali u tas-soċjetà ċivili li jipprovdu, fost l-oħrajn, taħriġ diġitali huwa pass fid-direzzjoni t-tajba;

34.

jinnota li, filwaqt li jinfetħu opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini biex jikkollegaw u jxerrdu l-informazzjoni, it-teknoloġiji diġitali ġabu wkoll magħhom riskji ġodda. Dawn jinkludu attakki ċibernetiċi u frodi, serq ta’ data, theddid għal-libertajiet ċivili u għal azzjoni pubblika speċjalment fil-livell lokali, u attentati biex jiġu distabbilizzati d-demokraziji tagħna. Huwa kruċjali li jsir investiment fiċ-ċibersigurtà, peress li l-fiduċja u l-għarfien huma l-pedament għal Ewropa Diġitali għal Kulħadd;

35.

jenfasizza l-importanza tal-litteriżmu tal-IA, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw fid-dibattitu soċjetali dwar l-IA u jevalwaw b’mod kritiku kwalunkwe pretensjoni li tkun saret;

36.

jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tas-servizzi diġitali. L-infurzar u l-għarfien tar-regoli eżistenti jistgħu jtejbu l-aċċess tan-nies għall-ġustizzja u jżidu l-fiduċja tagħhom fis-settur tal-kummerċ elettroniku. L-Att ippjanat dwar is-Servizzi Diġitali, pereżempju, għandu jgħin biex tittaffa s-sitwazzjoni;

37.

ifakkar li fl-2017, 43 % tal-popolazzjoni tal-UE ma kellhiex biżżejjed ħiliet diġitali (4) u waħda minn kull ħames kumpaniji biss qalu li kienu offrew taħriġ fl-ICT lill-persunal tagħhom (5). Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza li l-atturi lokali u reġjonali għandhom jiżguraw li l-ħiliet diġitali jiġu żviluppati b’mod sistematiku fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, mill-edukazzjoni bikrija sal-istudju li jwassal għal kwalifika vokazzjonali jew akkademika, u bħala parti essenzjali mit-tagħlim tul il-ħajja, bl-użu tal-Qafas Ewropew ta’ Kompetenza Diġitali (DigComp) u oqfsa simili oħra tal-kwalifiki għall-ħiliet diġitali; Il-Kumitat jenfasizza li l-edukazzjoni diġitali għandha fl-istess ħin tiżviluppa ħiliet ta’ ħsieb kritiku sabiex l-utenti tat-teknoloġija diġitali jkunu inqas passivi fil-konsum tagħhom tal-kontenut u biex jagħtuhom is-setgħa li jindirizzaw użi soċjali tat-teknoloġiji diġitali b’mod razzjonali;

38.

jitlob li jkun hemm kondiviżjoni ta’ prattiki tajba għall-iżvilupp tal-ħiliet diġitali barra mis-sistema tal-edukazzjoni formali, b’mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli, billi, fost affarijiet oħra, isir użu aħjar minn inizjattivi ta’ ħiliet diġitali bħall-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar, l-inizjattiva Jum l-Internet Aktar Sigur, l-inizjattiva Koalizzjoni Nazzjonali għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali u l-għodda CV tal-Europass;

39.

jenfasizza li t-trasformazzjoni diġitali qed tbiddel l-abitudnijiet tax-xogħol, il-kontenut tal-impjiegi u l-professjonijiet, u dan inevitabbilment ifisser li ċerti impjiegi ma jibqgħux validi, u għalhekk is-settur pubbliku u n-negozji jridu jkunu kapaċi jinħolqu mill-ġdid u jħarrġu mill-ġdid il-forza tax-xogħol. Hemm bżonn varjetà ta’ miżuri u mekkaniżmi biex kontinwament itejbu l-ħiliet tan-nies fil-ħajja tax-xogħol;

40.

jenfasizza li s-servizzi pubbliċi onlajn u l-applikazzjonijiet tal-mowbajl li huma aċċessibbli jridu jkunu b’tali mod li kull tip ta’ utent fis-sitwazzjonijiet kollha jista’ jużahom, anke jekk ikunu jbatu minn xi żvantaġġ jew diżabilità. Id-Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà għandha tiġi implimentata mingħajr dewmien;

41.

ifakkar li d-diġitalizzazzjoni ttejjeb l-aċċessibilità tas-servizzi pubbliċi għall-persuni li huma kapaċi u li huma lesti jużaw l-Internet. Fl-istess ħin, id-diġitalizzazzjoni tista’ tkun sfida għal dawk il-persuni li jistgħu jeħtieġu l-aktar is-servizzi diġitali, u b’hekk jiżdiedu r-riskji tal-inugwaljanza diġitali. Għalhekk, l-awtoritajiet lokali jenħtieġ li jimmonitorjaw l-iżvilupp tal-inugwaljanza diġitali u jfittxu modi biex tiġi prevenuta l-esklużjoni diġitali;

42.

jitlob li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi inkluża fil-miżuri diġitali kollha. Jilqa’ inizjattivi bħad-dikjarazzjoni Digital4Her, li tippromovi l-integrazzjoni tan-nisa fis-setturi tat-teknoloġija.

Infrastruttura

43.

jenfasizza d-dritt għall-konnettività għal kull ċittadin Ewropew, li jippermetti l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà diġitali u li jipprovdi aċċess għas-servizzi diġitali. Infrastruttura diġitali inkorporata u prevalenti ser tippermetti lil kulħadd, irrispettivament mill-post fejn jinsab, biex jaħsad il-benefiċċji tal-era diġitali. Il-politika tal-UE għandha fil-futur tkun immirata lejn li titnaqqas l-ispiża tat-tifrix effettiv u l-użu tan-netwerk tal-broadband fil-komunitajiet lokali, irrispettivament mid-daqs u d-densità tal-popolazzjoni tagħhom;

44.

jJiġbed l-attenzjoni dwar id-diffikultà biex tiġi implimentata infrastruttura diġitali fir-reġjuni ultraperiferiċi, minħabba l-limitazzjonijiet tagħhom u d-distanza tagħhom mill-kontinent Ewropew. Għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn ir-reġjuni, bħal reġjuni Ewropej oħra inklużi dawk remoti, ikollhom dritt sħiħ għall-konnettività;

45.

jenfasizza li s-servizzi diġitali u s-servizzi tal-gvern elettroniku jeħtieġu broadband b’veloċità għolja u mingħajr interruzzjoni, li għandha tkun disponibbli wkoll f’oqsma fejn il-kundizzjonijiet kummerċjali attwali ma jappoġġjawx il-bini ta’ konnessjonijiet. In-netwerks tal-fibra għandhom preferibbilment jinbnew fuq bażi ta’ aċċess miftuħ, fejn is-sid tan-netwerk, pereżempju kooperattiva reġjonali, jippermetti lill-operaturi interessati kollha biex joffru s-servizzi tagħhom lill-utenti finali. In-netwerk tal-fibra ottika attwali għandhom ikunu miftuħin għall-kompetizzjoni;

46.

jilqa’ l-investimenti tal-programm Ewropa Diġitali f’infrastruttura diġitali avvanzata ta’ kapaċità għolja bħan-netwerks 5G, li huma neċessarji sabiex is-servizzi u t-teknoloġiji diġitali jkunu jistgħu jintużaw b’mod effettiv kullimkien fl-Ewropa. Il-Kumitat iqis li, f’dan il-kuntest, il-broadband għandu rwol strumentali fl-iżvilupp ta’ servizzi diġitali innovattivi u kompetittivi, sakemm l-istandardizzazzjoni rapida tal-5G tkun tista’ tiżgura l-interoperabbiltà tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni;

47.

jenfasizza l-ħtieġa għal konnessjonijiet ta’ data affidabbli u b’veloċità għolja fl-Ewropa, mhux biss biex jiġu appoġġjati s-servizzi diġitali u l-ekonomija tad-data iżda wkoll biex jintuża bis-sħiħ il-potenzjal tat-teknoloġiji avvanzati f’oqsma bħall-awtomatizzazzjoni u l-biedja intelliġenti. Fir-rigward tat-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni għal sistemi u servizzi intelliġenti u interoperabbli, il-prinċipji tan-newtralità teknoloġika għandhom jiġu appoġġjati.

Il-finanzjament u s-sinerġiji ma’ politiki oħra tal-UE

48.

jistenna li l-programm il-ġdid Ewropa Diġitali jalloka biżżejjed fondi għall-ħiliet, il-computing ta’ prestazzjoni għolja, iċ-ċentri ta’ innovazzjoni u t-tisħiħ tal-adozzjoni tat-teknoloġiji tal-IA;

49.

jipproponi li l-programm Ewropa Diġitali jiġi implimentat permezz ta’ netwerks estensivi ta’ ċentri tal-innovazzjoni diġitali reġjonali, li għandhom jiġu ffinanzjati mill-programm u inklużi fi strateġiji diġitali ferm reġjonali li jilħqu lis-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà (u ffinanzjati mill-programmi tal-FSIE);

50.

iqis li huwa importanti li l-programm Ewropa Diġitali u programmi Ewropej oħra li jinvolvu miżuri diġitali, bħall-Orizzont Ewropa, Nikkollegaw l-Ewropa u l-FSE+, jinġabru flimkien bl-iktar mod ċar u komplementari kemm jista’ jkun, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jinkisbu sinerġiji.

Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  COR-2019-03082-00-00-TCD-TRA.

(2)  New European Interoperability Framework- Promoting seamless services and data flows for European public administrations (Qafas Ewropew ġdid għall-Interoperabbiltà – Promozzjoni ta’ servizzi u ta’ flussi ta’ data mingħajr xkiel għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej) (https://ec.europa.eu/isa2/sites/isa/files/eif_brochure_final.pdf)

(3)  Idem.

(4)  DESI 2019.

(5)  Enterprises providing training to their personnel to develop their ICT skills, 2017. (Intrapriżi li jipprovdu taħriġ lill-persunal tagħhom biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom tal-ICT, 2017).