ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 379A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 62
8 ta' Novembru 2019


Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2019/C 379 A/01

Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) — Pubblikazzjoni ta’ post battal għall-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv fi Bratislava (Aġent Temporanju — Grad AD 14) — COM/2019/20045

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

8.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 379/1


Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA)

Pubblikazzjoni ta’ post battal għall-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv fi Bratislava

(Aġent Temporanju — Grad AD 14)

COM/2019/20045

(2019/C 379 A/01)

 

Min aħna

L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (“l-Awtorità” jew “ELA”) hija korp deċentralizzat ġdid tal-Unjoni fil-qasam tal-mobbiltà tal-forza tax-xogħol transfruntiera, li attwalment jinsab fil-fażi tal-bidu tiegħu.

L-għan tiegħu hu li jiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni għall-individwi u għall-impjegaturi dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom; jappoġġa l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE fl-infurzar transfruntier tad-dritt rilevanti tal-Unjoni, inkluż billi jiffaċilita l-ispezzjonijiet konġunti; u jimmedja u jiffaċilita soluzzjoni fil-każijiet ta’ tilwim transfruntier bejn l-awtoritajiet nazzjonali.

Ir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-11 ta’ Lulju 2019, u daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Lulju 2019.

L-Awtorità għandha tilħaq il-kapaċità operazzjonali sħiħa tagħha sal-2024. Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għall-fażi tal-bidu sakemm l-Awtorità jkollha biżżejjed persunal u tkun lesta tissodisfa l-mandat tagħha.

Hawnhekk issibu aktar informazzjoni:

https://ela.europa.eu/

https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1414&langId=mt

Aħna nipproponu

Profil

Id-Direttur Eżekuttiv se jimmaniġġa u jirrappreżenta lill-Awtorità. Id-Direttur Eżekuttiv se jkun ir-rappreżentant legali u l-wiċċ pubbliku tal-Awtorità, u jenħtieġ li jkun indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijietu u jkun responsabbli mill-attivitajiet tiegħu lil-Bord Maniġerjali. Il-Bord Maniġerjali huwa magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru, żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni, espert indipendenti maħtur mill-Parlament Ewropew u erba’ membri, li jirrappreżentaw lill-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali transindustrijali fil-livell tal-Unjoni, b’rappreżentanza ugwali tat-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi.

Id-Direttur Eżekuttiv se jkollu rwol ċentrali fit-tmexxija tal-Awtorità. Se jkun responsabbli li jistabbilixxi u jimmaniġġa l-miżuri amministrattivi, operazzjonali u finanzjarji meħtieġa għall-operat xieraq tal-Awtorità.

Bla ħsara għas-setgħat tal-Bord Maniġerjali, id-Direttur Eżekuttiv jassumi r-responsabbiltà sħiħa għall-kompiti fdati lill-Awtorità u jkun soġġett għall-proċedura ta’ kwittanza annwali mill-Parlament Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jistiednu lid-Direttur Eżekuttiv biex jagħmel rapport dwar it-twettiq tal-kompiti tiegħu.

Kompiti

Ir-responsabbiltajiet speċifiċi tad-Direttur Eżekuttiv jinkludu li:

— Jiżgura l-operat tal-Awtorità skont ir-Regolament ta’ Twaqqif tagħha;

Jiżviluppa u jwettaq l-objettivi strateġiċi tal-Awtorità skont

il-missjoni tagħha;

Jikkomunika ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, fosthom jispjega lill-pubbliku ġenerali l-attivitajiet tal-Awtorità u l-politiki tal-UE dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol;

Jimmaniġġa ġurnata b’ġurnata l-persunal tal-Awtorità, inkluż ir-reklutaġġ;

Iħejji u jimplimenta l-istrateġiji, il-proċeduri, id-deċiżjonijiet, il-programmi u l-attivitajiet adottati mill-Bord Maniġerjali, fil-limiti speċifikati mir-Regolament ta’ Twaqqif, ir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu u kwalunkwe dritt applikabbli;

Iħejji u jeżegwixxi b’mod effiċjenti l-baġit tal-Awtorità skont il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba;

Iħejji u jimplimenta l-programmi ta’ ħidma annwali u pluriennali u r-rapporti tal-attivitajiet;

Jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Awtorità, il-Kummissjoni Ewropea, u korpi rilevanti oħrajn, kif ukoll jirrapporta lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill u jikkomunika magħhom skont ir-Regolament ta’ Twaqqif;

Jistabbilixxi kooperazzjoni effettiva bejn l-Awtorità u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tal-attivitajiet tagħha;

Jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Awtorità u l-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

Għal aktar informazzjoni irreferi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

Qegħdin infittxu (kriterji tal-għażla)

Il-kandidat ideali jkun professjonist dinamiku u li jispikka li jenħtieġ li jissodisfa l-kriterji tal-għażla li ġejjin:

(a)

Esperjenza maniġerjali, u b’mod partikolari:

Il-kapaċità li jmexxi korp internazzjonali, kemm fil-livell maniġerjali strateġiku kif ukoll f’dak intern u l-abbiltà li jmexxi u jimmotiva tim kbir f’ambjent Ewropew, multikulturali u multilingwi;

Ħiliet amministrattivi u maniġerjali tajbin, b’mod partikolari esperjenza fl-immaniġġar baġitarju, finanzjarju u tar-riżorsi umani f’livell għoli f’kuntest nazzjonali, Ewropew u/jew internazzjonali;

Esperjenza ta’ ħidma f’organizzazzjoni ġdida jew f’organizzazzjonijiet ewlenin permezz ta’ proċessi ta’ bidla;

Esperjenza b’diversi kulturi u tradizzjonijiet maniġerjali.

(b)

Għarfien u esperjenza teknika, u b’mod partikolari:

L-abbiltà li jiżviluppa viżjoni globali li tħares ’il quddiem fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-objettivi strateġiċi tal-Awtorità;

Esperjenza professjonali tajba fil-kooperazzjoni, prinċipalment fil-qasam tal-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, l-ispezzjonijiet tax-xogħol jew tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, idealment miksuba f’kuntest nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali;

Esperjenza fil-livelli strateġiċi jew operazzjonali fl-oqsma msemmija hawn fuq;

Għarfien tajjeb tal-kuntest tal-UE u tal-interazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż għarfien tajjeb ħafna tal-leġiżlazzjoni tal-UE rigward il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol;

Għarfien ta’ kooperazzjoni internazzjonali mal-partijiet terzi barra mill-UE fil-qasam tal-attivitajiet tal-Awtorità;

(c)

Ħiliet fil-komunikazzjoni u n-negozjar, u b’mod partikolari:

Ħila ppruvata fil-komunikazzjoni effiċjenti u li tinftiehem fil-livelli kollha, b’mod trasparenti u miftuħ, mal-pubbliku ġenerali u ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati (awtoritajiet Ewropej, internazzjonali, nazzjonali u lokali, organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll organizzazzjonijiet nongovernattivi);

Ħiliet organizzazzjonali u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet eċċellenti;

Ħiliet ta’ negozjazzjoni eċċellenti;

Abbiltà li jibni l-fiduċja fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin, abbażi ta’ approċċ diplomatiku;

Livell profiċjenti tal-Ingliż u tal-Ingliż miktub ikun ta’ vantaġġ.

Kundizzjonijiet essenzjali (ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà)

Il-kandidati se jiġu kkunsidrati għall-fażi tal-għażla biss abbażi tar-rekwiżiti formali segwenti li għandhom jiġu ssodisfati sal-iskadenza tal-applikazzjonijiet:

Ċittadinanza: il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Lawrja jew diploma tal-università: il-kandidati jrid ikollhom:

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma u ċċertifikati b’diploma meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar;

jew livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali postgradwatorja meħtieġa hawn taħt).

Esperjenza professjonali: il-kandidati jrid ikollhom esperjenza professjonali postgradwatorja ta’ mill-inqas 15-il sena f’livell li jagħtu aċċess għalih il-kwalifiki msemmija hawn fuq. Mill-inqas ħames snin minn din l-esperjenza professjonali jridu jkunu fil-qasam tal-attivitajiet tal-Awtorità.

Esperjenza maniġerjali: mill-inqas ħames snin mill-esperjenza professjonali postgradwatorja jridu jkunu nkisbu f’funzjoni maniġerjali ta’ livell għoli (2) f’qasam li huwa rilevanti għal din il-kariga.

Lingwi: il-kandidati jrid ikollhom għarfien sħiħ ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi uffiċjali. Matul l-intervista/i, il-bordijiet tal-għażla se jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li l-intervista, jew parti minnha, issir f’din il-lingwa l-oħra.

Limitu tal-età: fl-iskadenza għall-applikazzjoni, il-kandidati jridu jkunu jistgħu jikkompletaw il-mandat sħiħ ta’ ħames snin qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar. Għall-persunal temporanju tal-Unjoni Ewropea, l-età tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq 66 sena (ara l-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (4)).

Barra minn hekk, il-kandidati jridu jkunu wettqu kull obbligu impost mil-liġi dwar is-servizz militari, jipproduċu r-referenzi tal-karattru adatti rigward l-idoneità tagħhom għat-twettiq ta’ dmirijiethom u għandhom ikunu fiżikament f’saħħithom biex iwettqu dmirijiethom.

Għażla u ħatra

Id-Direttur Eżekuttiv se jinħatar mill-Bord Maniġerjali tal-Awtorità abbażi ta’ lista qasira pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea.

Biex tistabbilixxi din il-lista qasira, il-Kummissjoni Ewropea torganizza għażla skont il-proċeduri tal-għażla u tar-reklutaġġ tagħha (ara d-Dokument dwar il-Politika dwar Uffiċjali Għolja (5)).

Bħala parti mill-proċedura tal-għażla, il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi bord ta’ preselezzjoni. Dan il-bord janalizza l-applikazzjonijiet kollha, jipproċedi bl-ewwel verifika tal-eliġibbiltà u jidentifika l-kandidati li jkollhom l-aħjar profil fid-dawl tal-kriterji tal-għażla imsemmijin hawn fuq, u li jistgħu jiġu mistiedna għal intervista mal-bord ta’ preselezzjoni.

Wara dawn l-intervisti, il-bord ta’ preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta’ kandidati għal aktar intervisti mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet (CCA) tal-Kummissjoni Ewropea. Filwaqt li jikkunsidra l-konklużjonijiet tal-bord ta’ preselezzjoni, is-CCA se jiddeċiedi dwar il-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.

Il-kandidati li jkunu msejħa għal intervista mas-CCA jipparteċipaw għal ġurnata sħiħa f’ċentru ta’ valutazzjoni għall-maniġment immexxi minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ. Filwaqt li jqis ir-riżultati tal-intervista u r-rapport taċ-ċentru ta’ valutazzjoni, is-CCA jistabbilixxi lista qasira ta’ kandidati li jikkunsidra adatti biex jeżerċitaw il-funzjoni ta’ Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità.

Il-kandidati fuq il-lista l-qasira tas-CCA jiġu intervistati mill-Membru/i tal-Kummissjoni responsabbli għad-Direttorat Ġenerali inkarigat mir-relazzjonijiet mal-Awtorità (6).

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni Ewropea tadotta lista qasira tal-kandidati l-aktar adatti, li tiġi kkomunikata lill-Bord Maniġerjali tal-Awtorità. Dan tal-aħħar jista’ jiddeċiedi li jintervista l-kandidati qabel jagħmel l-għażla tiegħu minn fost il-kandidati fuq il-lista qasira tal-Kummissjoni. L-inklużjoni fuq il-lista l-qasira ma tiggarantix il-ħatra.

Il-kandidat magħżul għandu jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet mill-Membri tal-Parlament. Dak l-iskambju ta’ fehmiet ma għandux idewwem il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv bla bżonn.

Il-kandidati jistgħu jintalbu jagħmlu iktar intervisti jew testijiet minbarra dawk indikati hawn fuq.

Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll tal-Awtorità, il-proċedura tal-għażla ssir biss bl-Ingliż jew bil-Franċiż (7).

Opportunitajiet indaqs

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità japplikaw politika ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal (8).

Kundizzjonijiet tal-impjieg

Is-salarji u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg huma stipulati fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra (9).

Il-kandidat ammess jiġi impjegat mill-Bord Maniġerjali bħala Aġent Temporanju fil-grad ta’ AD14. Il-kandidat jiġi kklassifikat skont it-tul tal-esperjenza professjonali preċedenti tiegħu fil-pass 1 jew il-pass 2 f’dan il-grad.

Il-kandidat ammess jinħatar għal mandat inizjali ta’ ħames snin, li possibbilment jiġi estiż għal massimu ta’ ħames snin addizzjonali skont ir-Regolament li jistabbilixxi l-Awtorità kif applikabbli fiż-żmien tal-ħatra.

L-applikanti għandhom jinnotaw ir-rekwiżit skont il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra għall-persunal il-ġdid kollu, li jwettqu b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur.

Il-post tal-impjieg huwa Bratislava, is-Slovakkja, fejn se tkun ibbażata l-Awtorità. Id-detentur tal-impjieg jista’ jkun meħtieġ li jibda jaqdi dmirijietu għal perjodu limitat fi Brussell, qabel ma l-Awtorità tiċċaqlaq lejn il-bini fit-tul tagħha.

Il-kariga hija disponibbli mill-1 ta’ Jannar 2020.

Indipendenza u dikjarazzjoni ta’ interessi

Qabel jibda jaqdi dmirijietu, id-Direttur Eżekuttiv jintalab jagħmel dikjarazzjoni ta’ impenn li jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u li jiddikjara kull interess li jista’ jiġi kkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tiegħu.

Proċedura ta’ applikazzjoni

Qabel tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, jenħtieġ li tivverifika b’attenzjoni jekk tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà kollha (“Kundizzjonjiet essenzjali”), b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi ta’ diplomi, l-esperjenza professjonali ta’ livell għoli kif ukoll il-kapaċità lingwistika meħtieġa. Min ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk tixtieq tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet fis-sit web li ġej u ssegwi l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw l-istadji diversi tal-proċedura:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

Irid ikollok indirizz elettroniku validu. Dan se jintuża biex tiġi kkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jibqa’ l-kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura. Għaldaqstant, jekk jogħġbok żomm lill-Kummissjoni Ewropea informata dwar kwalunkwe tibdil fl-indirizz elettroniku tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jenħtieġ li ttella’ CV fil-format PDF u li timla online ittra ta’ motivazzjoni (massimu ta’ 8 000 karattru). Is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Meta tlesti r-reġistrazzjoni online tiegħek, tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek tkun ġiet irreġistrata. Jekk ma tirċevix email ta’ konferma, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Jekk jogħġbok innota li mhuwiex possibbli li timmonitorja l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Tiġi kkuntattjat direttament mill-Kummissjoni Ewropea rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.

Għal aktar informazzjoni jew fil-każ ta’ problemi tekniċi, ibgħat ittra elettronika lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija s-6 ta’ Diċembru 2019, 12.00 nofsinhar ħin ta’ Brussell, u wara din id-data ma jkunx iktar possibbli li tirreġistra.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li timla r-reġistrazzjoni online tiegħek fil-ħin. Aħna nagħtuk parir biex ma tħallix għall-aħħar jiem biex tapplika, peress li traffiku tal-Internet qawwi jew problema fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tiegħek tintemm qabel ma tlestiha, b’hekk tobbligak tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba tintemm l-iskadenza għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, inti ma tkunx tista’ tintroduċi iktar data. Mhux ser jiġu aċċettati reġistrazzjonijiet li jaslu tard.

Informazzjoni importanti għall-kandidati

Il-kandidati huma mfakkra li x-xogħol tal-bords tal-għażla differenti huwa kunfidenzjali. Il-kandidati ma jistgħux jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri individwali tagħhom u dan lanqas ma jista’ jsir f’isimhom minn xi ħaddieħor. Il-mistoqsijiet kollha għandhom jiġu indirizzati lis-segretarjat tal-bord rilevanti.

Protezzjoni tad-data personali

Il-Kummissjoni se tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif jeżiġi r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali data.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 21).

(2)  Għas-snin kollha li matulhom inkisbet l-esperjenza maniġerjali, jenħtieġ li l-kandidati, fil-curriculum vitae tagħhom, jindikaw b’mod ċar: (1) it-titolu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kellhom; (2) l-għadd ta’ persunal li jkunu mexxew f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits ġestiti; (4) l-għadd ta’ livelli ġerarkiċi superjuri u inferjuri; u (5) l-għadd ta’ kollegi fl-istess livell.

(3)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:31958R0001

(4)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:01962R0031-20140501

(5)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/compilation-of-the-senior-official-policy-at-the-european-commission_en.pdf

(6)  Sakemm il-Membru tal-Kummissjoni kkonċernat, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2007 (PV(2007) 1811), ma jkunx iddelega dan il-kompitu lil Membru ieħor tal-Kummissjoni.

(7)  Il-bordijiet tal-għażla jiżguraw li ma jingħata l-ebda vantaġġ inġust lill-kelliema nattivi ta’ dawn il-lingwi.

(8)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:01962R0031-20140501

(9)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:01962R0031-20140501

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).