ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 353

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 62
18 ta' Ottubru 2019


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

2019/C 353/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-blockchain u t-teknoloġija tar-reġistru distribwit bħala infrastruttura ideali għall-ekonomija soċjali  (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

1

 

OPINJONIJIET

2019/C 353/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-promozzjoni ta’ suq uniku li jiffavorixxi l-intraprenditorija u l-innovazzjoni — il-promozzjoni ta’ mudelli ekonomiċi ġodda biex jindirizzaw l-isfidi soċjali u t-tranżizzjonijiet  (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

6

2019/C 353/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-konsumaturi fl-ekonomija ċirkolari  (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

11

2019/C 353/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tassazzjoni fl-ekonomija diġitalizzata  (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

17

2019/C 353/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn ekonomija Ewropea aktar reżiljenti u sostenibbli  (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

23

2019/C 353/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Viżjoni ġdida għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja  (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

32

2019/C 353/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-Semestru Ewropew u l-politika ta’ koeżjoni — Lejn strateġija Ewropea ġdida għal wara l-2020  (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

39

2019/C 353/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol il-ġdid tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES) fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali  (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

46

2019/C 353/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ngħallmu l-Ewropa — l-iżvilupp ta’ sett ta’ għodod għall-iskejjel  (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

52

2019/C 353/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-perspettiva industrijali settorjali ta’ rikonċiljazzjoni tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija  (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

59

2019/C 353/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Il-promozzjoni ta’ ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra u alternattivi fl-UE: ir-rwol tal-agroekoloġija  (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

65

2019/C 353/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-professjoni tal-biedja u l-isfida tal-profittabbiltà  (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

72

2019/C 353/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-trasport, l-enerġija u s-servizzi ta’ interess ġenerali bħala xpruni tat-tkabbir sostenibbli tal-UE permezz tar-rivoluzzjoni diġitali  (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

79


 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

2019/C 353/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill — Lejn teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE  (COM(2019) 8 final)

90

2019/C 353/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment — Ir-Raba’ Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija  (COM(2019) 175 final)

96

2019/C 353/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-Implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji: Nibnu Katina tal-Valur tal-Batteriji Strateġika fl-Ewropa  (COM(2019) 176 final)

102


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-blockchain u t-teknoloġija tar-reġistru distribwit bħala infrastruttura ideali għall-ekonomija soċjali”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

([…])

Relatur: Giuseppe GUERINI

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

13.12.2018

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Is-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

4.7.2019

Adottata fil-plenarja

17.7.2019

Sessjoni plenarja nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

179/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-attivitajiet proposti mill-Kummissjoni Ewropea biex tiġi żviluppata sħubija Ewropea tal-blockchain, bit-tnedija tal-Osservatorju u l-Forum tal-UE dwar il-Blockchain.

1.2

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet irawmu l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Osservatorju u fis-Sħubija Ewropea tal-Blockchain, peress li huwa ċar li l-iżvilupp b’suċċess tal-blockchain u l-infrastruttura diġitali ġdida mhuwiex biss kwistjoni tal-IT, iżda jirrappreżenta proċess veru u proprju ta’ innovazzjoni soċjali rivoluzzjonarja.

1.3

Il-KESE jemmen li l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jistgħu jgħinu biex jippromovu sensibilizzazzjoni akbar u infurmata dwar il-potenzjal tal-blockchain, speċjalment fir-rigward tal-konverġenza ta’ bażi kulturali u metodoloġika, iffukata fuq forom ta’ governanza miftuħa u parteċipatorja, bil-għan li jinżamm livell għoli ta’ trasparenza u l-involviment taċ-ċittadini kollha fl-iżvilupp li jistgħu jwasslu għalih dawn it-teknoloġiji ġodda.

1.4

L-applikazzjonijiet operattivi tat-teknoloġiji blockchain jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti l-prestazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, li hija ta' benefiċċju għall-istess organizzazzjonijiet, il-membri tagħhom u, fuq kollox, l-utenti finali.

1.5

Il-proġetti kummerċjali bbażati fuq it-teknoloġiji ta' "reġistru distribwit" (DLT) jeħtieġu strutturi ta' governanza soda, li jipprovdu rwoli u responsabbiltajiet ċari u jappoġġjaw il-kooperazzjoni fost id-diversi partijiet ikkonċernati.

1.6

Il-KESE jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi jiżguraw li l-iżvilupp tat-teknoloġija blockchain ikun f’konformità mar-regoli dwar l-ipproċessar tad-data personali u dwar iċ-ċibersigurtà, filwaqt li jimmonitorjaw ir-riskji ta' akkapparament jew sfruttament mhux xieraq tad-data dwar ċittadini u negozji.

1.7

Fir-rigward tal-bidliet profondi li jirriżultaw mit-teknoloġiji l-ġodda, il-KESE jirrakkomanda li ċ-ċittadini u l-ħaddiema jkunu protetti b’mod xieraq, inkluż permezz tal-involviment xieraq tal-imsieħba soċjali, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ xogħolhom u fl-introduzzjoni ta’ pjani xierqa għat-taħriġ u għall-aġġornament tal-ħiliet tagħhom.

1.8

Il-KESE jemmen li l-ħtieġa għal involviment ġenwin tal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali u tas-soċjetà ċivili hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-opportunitajiet kbar offruti mit-teknoloġiji l-ġodda jkunu orjentati lejn l-iżgurar ta’ benefiċċji, aċċess, trasparenza u parteċipazzjoni għal kulħadd u mhux biss għall-“elitisti l-ġodda tal-ekonomija diġitali”.

2.   Sfond u suġġett tal-inizjattiva

2.1

Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja toriġina mill-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Lussemburgu, li jinkludu sejħa biex jiġi esplorat il-potenzjal innovattiv tat-teknoloġiji diġitali ġodda fl-ambitu tal-ekonomija soċjali.

2.2

Fost dawn it-teknoloġiji ġodda qed jitfaċċa l-potenzjal innovattiv rivoluzzjonarju tad-diversi forom tat-teknoloġija tar-reġistru distribwit (distributed ledger technology – DLT), magħrufa bħala blockchain, li jippermettu li jiġu żviluppati applikazzjonijiet interessanti ħafna f’oqsma differenti tas-setturi tal-ekonomija u dawk soċjali.

2.3

Xi karatteristiċi ta’ dawn it-teknoloġiji jagħmlu l-blockchain infrastruttura diġitali, li tista’ tintuża bi profitt mill-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali biex jilħqu aħjar l-għanijiet tagħhom, u b’hekk iżidu l-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw impatti soċjali pożittivi u jrawmu l-innovazzjoni soċjali.

2.4

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jiffaċilitaw l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-Osservatorju Ewropew tal-Blockchain, peress li l-iżvilupp b’suċċess tal-blockchain u tal-infrastruttura diġitali ġdida la jista’ jiddependi biss fuq soluzzjonijiet teknoloġiċi jew tal-IT, u lanqas fuq l-inġinerija, iżda jista’ jilħaq il-milja tiegħu biss jekk dawn nagħrfu nagħmluhom il-mutur tal-innovazzjoni soċjali rivoluzzjonarja.

2.5

Huwa utli li wieħed jiftakar li t-teknoloġiji DLT jiggarantixxu l-fiduċja bejn is-sħab orjentati biex jikkollaboraw u jiċċertifikaw prinċipalment it-tranżazzjonijiet u mhux il-kontenut jew il-kwalità ta' dak li hu inkluż fil-ktajjen tal-blokok. Għaldaqstant, għalkemm xi evalwazzjonijiet ottimisti ta' din it-teknoloġija jiddefinixxu t-teknoloġija bħala mezz ġdid ta' fiduċja, għandu jingħad b'mod ċar li din ma tistax tissostitwixxi l-lealtà u l-fiduċja bejn il-partijiet.

3.   Deskrizzjoni fil-qosor tal-blockchain u tat-teknoloġiji tar-reġistru distribwit

3.1

It-teknoloġija blockchain hija protokoll tal-IT kkonfigurat fis-snin disgħin. Madankollu, l-użu tagħha fuq skala kbira u s-suċċess tagħha huma marbuta mat-tixrid tal-kriptovaluti, li l-aktar popolari fosthom hija l-Bitcoin. Madankollu, ikun żball li l-blockchain tiġi assimilata biss mal-kriptovaluti. Fil-fatt, bis-saħħa tal-kombinazzjoni mal-qawwa komputazzjonali li dejjem qed tiżdied u mal-analiżi tad-data tas-sistemi tal-kompjuter, tat-titjib tal-konnettività fl-Ewropa u l-iżvilupp kontinwu tas-sistemi ta' intelliġenza artifiċjali, il-potenzjal tal-użu tad-DLT għal diversi skopijiet qed jikber b'mod esponenzjali.

3.2

Il-blockchain hija kemm kodiċi, jiġifieri protokoll ta' komunikazzjoni, kif ukoll reġistru pubbliku li fih jiġu rreġistrati t-tranżazzjonijiet kollha bejn il-parteċipanti tan-netwerk f'ordni sekwenzjali, bi grad għoli ta' trasparenza u b'mod li ma jistgħux jiġu modifikati.

3.3

Dan l-ordni ta' reġistrazzjonijiet jikkonsisti minn sett ta' "blokok" (il-partijiet tal-kodiċi) li huma marbuta ma' xulxin b'mod kriptografiku, b'hekk kull parti mill-blokka li tifforma l-katina hija traċċabbli u ma tistax tiġi modifikata. Dawn il-"blokok marbutin mal-katina" huma rreġistrati simultanjament fuq kull wieħed mill-apparati li bihom jikkollegaw il-parteċipanti tal-blockchain. Kull parteċipant huwa ħolqa fil-katina, li jikkontribwixxi sabiex tiġi vvalidata u maħżuna d-data li qiegħda tiġi skambjata.

3.4

B'dan il-mod, it-tranżazzjonijiet iseħħu f'mod orizzontali u jiġu vvalidati minn għadd ta' parteċipanti, li jagħmilha impossibbli għal operatur wieħed li jimmodifika jew jeqred ir-reġistrazzjonijiet. Dan għandu jagħmel l-ipproċessar tad-data sigur u jikkonsolida l-fiduċja reċiproka bejn il-parteċipanti tal-blockchain li huma involuti fil-proċess tal-validazzjoni distribwit u deċentralizzat. Il-blockchain hija għalhekk għodda interessanti għad-definizzjoni mill-ġdid tal-kunċett ta' sigurtà tal-operazzjonijiet ta' tranżazzjoni diġitali.

3.5

Huwa għalhekk li t-teknoloġija blockchain intużat l-aktar bħala infrastruttura għall-muniti virtwali, iżda għall-istess raġunijiet jista' jkollha wkoll valur soċjali, kulturali, politiku u ekonomiku. Madankollu, kwalunkwe użu ieħor fil-kuntesti ekonomiċi fiżiċi u mhux virtwali jeħtieġ l-għarfien li d-DLT ma tiżgurax il-kwalitajiet tal-kontenut li wieħed jirreferi għalih. Fi kliem ieħor, jista' jiġi ċċertifikat li prodott partikolari segwa katina tal-provvista mfassla b'mod sigur f'DLT, iżda ma jistax jingħad li dak il-prodott għandu kwalitajiet intrinsikament tajbin.

3.6

Il-parteċipanti varji fi blockchain għandhom kontroll dirett fuq parti waħda mill-katina kollha u b’dan il-mod il-blockchain issir sistema deċentralizzata, li diffiċilment tiġi "dominata" minn operatur wieħed. Dan iżid is-sigurtà fil-konfront ta' attakki jew sabotaġġi, peress li jekk wieħed min-nodi fil-katina jiġi attakkat jew iġarrab ħsara, in-nodi l-oħra tar-"reġistru distribwit" jibqgħu jiffunzjonaw.

3.7

It-tranżazzjonijiet li jsiru fir-reġistru distribwit permezz tal-blockchain huma traċċati u viżibbli għall-parteċipanti kollha, b'hekk it-tranżazzjonijiet jitwettqu b'mod trasparenti, mingħajr l-involviment ta' "awtorità ċentrali" jew ta' "parti terzi" li taġixxi bħala interlokutur obbligatorju jew intermedjarju. Madankollu, l-evoluzzjoni tal-kompjuters kwantistiċi, bħall-possibbiltà teoretika li jiġi "ikkontrollat" numru sostanzjali ta' nodi tan-netwerk, ma teliminax kompletament ir-riskji ta' konċentrazzjoni jew kontroll tad-DLT u lanqas dawk ta' akkapparrament u konċentrazzjoni tad-data.

3.8

Dawn il-karatteristiċi jippermettu li t-teknoloġija blockchain tiżviluppa wkoll kuntratti vera u proprji u awtomatizzati, magħrufa bħala "kuntratti intelliġenti", li jagħmluha possibbli li tranżazzjoni tiġi personalizzata u dettaljata b'mod rapidu, sikur u orizzontali. B'dan il-mod, informazzjoni bażika ċċertifikata tinbidel fi dritt li jista' jiġi infurzat, li jista' jaffettwa ħafna drawwiet soċjali, ekonomiċi u politiċi.

3.9

Biżżejjed wieħed jaħseb, pereżempju, fl-iżviluppi possibbli tal-gvern diġitali fl-oqsma tal-elezzjonijiet u s-sistemi ta’ votazzjoni, il-benefiċċji soċjali u tas-saħħa, u l-ġestjoni tal-akkwist pubbliku.

3.10

Il-kelmiet ewlenin tat-teknoloġija blockchain – id-deċentralizzazzjoni, it-trasparenza, il-parteċipazzjoni bejn il-pari, l-affidabbiltà u l-fiduċja – huma riflessi ħafna fil-forom ewlenin ta’ organizzazzjoni li permezz tagħhom joperaw in-negozji u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali. Dan huwa aktar u aktar minnu, jekk in-netwerks tad-DLT jiġu żviluppati b'kapaċità għolja ta' interoperabbiltà, li tippermetti lill-utenti li jużaw dawn it-teknoloġiji b'mod kollaborattiv permezz ta' apparat u għodod differenti.

4.   L-Unjoni Ewropea u l-blockchain

4.1

Il-KESE japprova u jappoġġja l-attivitajiet li bdew il-Kummissjoni Ewropea u bosta Stati Membri biex jiżviluppaw sħubija Ewropea tal-blockchain. Hija ta' importanza strateġika li l-Ewropa ma titlifx postha fil-kompetizzjoni internazzjonali li għaddejja għall-iżvilupp tat-teknoloġiji diġitali kollha, u li hija tħeġġeġ u tippromovi l-kollaborazzjoni bejn id-diversi atturi pubbliċi u privati għall-ħolqien ta' infrastruttura Ewropea tal-blockchain.

4.2

Il-Parlament Ewropew ukoll esprima ruħu dwar dawn is-suġġetti permezz tar-Riżoluzzjonijiet 2017/2772 (RSP) u 2018/2085 (INI), fejn talbu wkoll lill-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ valutazzjoni fuq l-impatt soċjali tad-DLT.

4.3

Daqstant importanti kienet it-tnedija tal-Osservatorju u l-Forum tal-UE dwar il-Blockchain (EU Blockchain Observatory and Forum) mill-1 ta' Frar 2018, stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea, li diġà ppubblika għadd ta' rapporti tematiċi (1).

4.4

Il-KESE huwa konvint li, sabiex jiġi żgurat li l-benefiċċji tal-blockchain ikunu żviluppati kif xieraq, jeħtieġ li jiġi promoss qafas regolatorju adegwat li jħeġġeġ u jrawwem il-kollaborazzjoni fis-settur pubbliku u privat u fis-soċjetà ċivili organizzata. B'hekk tinkiseb konverġenza soċjali, kulturali u regolatorja pożittiva, li hija meħtieġa biex jinħolqu l-opportunitajiet kollha biex jittejbu s-servizzi u l-proċessi fis-setturi pubbliċi u privati.

5.   Jistgħu l-blockchain u r-reġistru distribwit deċentralizzat ikunu infrastruttura xierqa għall-ekonomija soċjali?

5.1

Filwaqt li t-teknoloġija blockchain hija strument utli biex tissawwar mill-ġdid il-fiduċja fil-kuntest ta’ ekonomija diġitali globali, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali li jużaw din it-teknoloġija jistgħu jikkontribwixxu għal ekonomija aktar demokratika, billi jippromovu t-tixrid ta' ekonomija soċjali diġitali.

5.2

Il-kriżijiet finanzjarji dgħajfu l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-fiduċja saret riżorsa soċjali skarsa, u t-tħassib dejjem jikber dwar is-sigurtà tad-data miġbura u miżmuma minn xi operaturi ekonomiċi kbar jagħmilha saħansitra aktar skarsa.

5.3

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, li għandhom il-karatteristika li jkunu mifruxa ħafna, ibbażati fuq il-livell lokali u fil-komunitajiet lokali, jistgħu jaqdu rwol importanti biex jappoġġjaw tixrid usa' ta’ opportunitajiet fost iċ-ċittadini Ewropej. Għalhekk jistgħu jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-promozzjoni ta' konverġenza etika u ta' valur bejn l-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni teknoloġika, u jimxu lejn mudell ta' żvilupp li jirrifletti l-interessi komuni.

5.4

Hemm bosta applikazzjonijiet operattivi konkreti tat-teknoloġiji blockchain li jistgħu jintużaw f'organizzazzjonijiet tal-ekonomija.

5.5

L-ewwel nett, teknoloġija li żżid il-livell ta' trasparenza u fiduċja tista' faċilment tintuża biex isiru donazzjonijiet u ġbir ta' fondi sikuri u traċċabbli, pereżempju billi tippermetti donatur li jiffinanzja NGO biex isegwi l-fluss u d-destinazzjoni tar-riżorsi li jkun ta. Minn angolu differenti, l-istess NGO tista' tattrezza lilha nnifisha b'sistema li tagħmilha possibbli li tirrapporta b'mod dettaljat dwar kull fluss ta' nefqa, filwaqt li jiġi żgurat li r-riżorsi investiti jintużaw fil-fatt għall-finijiet maħsuba.

5.6

Bl-adozzjoni tat-teknoloġija blockchain, ħafna organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti l-ġestjoni tal-governanza tagħhom, billi jagħmluha aktar sigura u traċċabbli (konsultazzjoni tal-membri u l-proċeduri ta' votazzjoni) billi jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni u l-involviment anke meta l-membri jkunu mifruxa f'territorji deċentralizzati, jew ikunu daqstant numerużi li tkun diffiċli li jsiru l-laqgħat ġenerali tradizzjonali.

5.7

Ħafna attivitajiet ta' produzzjoni kulturali, mit-taħriġ għall-arti, jitwettqu minn organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali. L-assoċjazzjonijiet u l-kooperattivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll tad-divertiment u l-produzzjonijiet artistiċi jew intellettwali, ikunu jistgħu jużaw it-teknoloġija blockchain kemm biex jawtentikaw l-attivitajiet li jsiru mill-bogħod, kif ukoll biex jippersonalizzawhom skont il-ħtiġijiet tal-utenti. Madankollu, it-teknoloġija blockchain tista' tintuża b'mod partikolari biex id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tal-awtur ikunu aktar ċari u ċerti, billi tistabbilixxi "kuntratti intelliġenti" għat-trasferiment tal-kontenut.

5.8

Fil-qasam tat-taħriġ u l-edukazzjoni, għaċ-ċertifikazzjoni ta' ħiliet, il-blockchain tista' tuża s-sigurtà ta' kwalifiki edukattivi u diplomi f'format diġitali, kif ukoll il-ħruġ ta' ċertifikati diġitali li jaġġornaw b'mod awtomatiku s-CV ta' ħaddiema jew studenti.

5.9

Nistgħu nantiċipaw bosta applikazzjonijiet sinifikanti fil-qasam tas-saħħa, tal-kura personali u tal-assistenza soċjali, kemm fir-rigward tal-ħżin sigur tad-data u l-informazzjoni, kif ukoll l-aċċess u l-identifikazzjoni tal-persuni megħjuna. F'dawn l-oqsma, ħafna organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali huma involuti f'ħidma mill-qrib ta' dawk li huma fil-bżonn, inkluż f'żoni deċentralizzati, fejn il-possibbiltà li jiġu implimentati sistemi tat-telemediċina u tat-teleassistenza siguri jista' jkollha impatt sinifikanti fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

5.10

Dawn it-teknoloġiji spiss jeħtieġu ħiliet u riżorsi li mhumiex disponibbli għal kulħadd. Dan huwa b'mod partikolari l-każ tal-persuni l-aktar vulnerabbli bħall-anzjani, il-foqra, il-persuni b'diżabbiltà, il-minorenni u l-familji emarġinati. Għal dawn is-sezzjonijiet tal-popolazzjoni, li lkoll għandna dmir li naħsbu fihom, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jistgħu jistabbilixxu punt ta' aċċess fundamentali.

5.11

Ħafna kooperattivi attivi fis-settur agrikolu qed jikkunsidraw teknoloġiji ġodda biex jagħmlu l-prodotti tagħhom traċċabbli u identifikabbli b'ċertezza sħiħa, filwaqt li jevitaw il-frodi u l-falsifikazzjoni li jagħmlu ħsara lill-produtturi u lill-konsumaturi. Minn barra dan, it-teknoloġija blockchain tista’ tagħmel ir-relazzjoni bejn kooperattiva agrikola u l-produtturi membri tagħha aktar ċerta u trasparenti, inkluż it-tnaqqis tal-ispejjeż ta' servizzi bħall-assigurazzjoni kontra riskji marbuta ma' diżastri naturali.

5.12

Kif inhu magħruf, l-ewwel applikazzjonijiet tal-blockchain ġew adottati biex jiġu żviluppati kriptovaluti u sistemi ta' ħlas bejn il-pari. Dan jista' jkun utli fis-settur tal-ekonomija soċjali biex jiġu ġestiti kemm it-tranżazzjonijiet ta' crowdfounding, kif ukoll sistemi ta' ħlas komplementari utli għal tranżazzjonijiet ta' mikrokreditu mmirati lejn persuni mhux bankarji, jew għall-immaniġġjar ta' netwerks ta' mikroinvestiment etiku favur ċirkwiti ta' ekonomija komunitarja.

5.13

L-assoċjazzjonijiet ambjentali u l-intrapriżi soċjali huma wkoll atturi ewlenin fil-qasam tat-tnaqqis tal-iskart, il-ġbir u t-trattament divrenzjali tal-iskart. F'dawn il-kuntesti wkoll, il-potenzjal tar-reġistri distribwiti deċentralizzati jista' jintuża biex itejjeb is-servizzi għaċ-ċittadini.

5.14

Il-kooperattivi tal-enerġija rinnovabbli, li diġà huma aktar minn 1 500 fl-Ewropa u jinvolvu aktar minn miljun ċittadin attiv fit-tranżizzjoni tal-enerġija, jistgħu jottimizzaw in-netwerk ta' distribuzzjoni u t-tranżizzjonijiet tagħhom bl-użu tat-teknoloġija blockchain.

5.15

Il-kwistjoni tal-enerġija hija aspett importanti ħafna għall-blockchain, peress li r-reġistrazzjoni simultanja tad-data u l-katini tal-blokka fuq għadd ta' servers u apparati deċentralizzati jiġġenera użu għoli ħafna tal-enerġija, li xorta jservi biex jiġi ottimizzat l-użu tal-enerġija biex it-teknoloġija blockchain tkun aktar sostenibbli.

5.16

Peress li ġie stabbilit li t-teknoloġija blockchain kapaċi ġġib żviluppi pożittivi maġġuri, huwa importanti li wieħed iqis li huwa impossibbli li tinbidel id-data rreġistrata permezz tal-blockchain. Għaldaqstant, jeħtieġ li r-regolamentazzjoni pubblika tiggarantixxi li l-iżilupp ta' din it-teknoloġija jseħħ f'konformità mar-regoli dwar l-ipproċessar tad-data personali ("GDPR"), b'referenza partikolari għad-dritt li wieħed ikun "minsi".

5.17

Huwa importanti li r-regoli viġenti dwar dawn il-kwistjonijiet jiġu adattati kontinwament, kemm b'mod dirett kif ukoll permezz tal-interpretazzjoni tagħhom, għall-bidla teknoloġika rapida ħafna li tkun għaddejja. Dan huwa l-uniku mod biex jiġi żgurat li l-iżviluppi pożittivi mistennija mit-teknoloġija blockchain ma jimxux id f'id ma' żviluppi avversi u implikazzjonijiet problematiċi.

5.18

It-teknoloġija blockchain se jkollha effetti sinifikanti fuq is-suq tax-xogħol; bosta impjiegi se jisparixxu, impjiegi oħra se jinbidlu bil-kbir, filwaqt li impjiegi oħra se jiżviluppaw u jevolvu mill-istruttura attwali tagħhom. Il-KESE jqis li huwa importanti li l-ħaddiema jiġu protetti b'mod adegwat, b'mod partikolari billi jiġu stabbiliti pjani ta' taħriġ adegwati u strumenti ta' politiki attivi tax-xogħol implimentati bl-involviment tal-imsieħba soċjali.

5.19

Il-potenzjal enormi tat-teknoloġiji diġitali ġodda u l-ispejjeż għolja tal-investiment meħtieġ jesponu t-teknoloġija blockchain għar-riskju ta' konċentrazzjoni ta' apparati li huma kapaċi jħaddmuha. B'riżultat ta' dan, minbarra l-potenzjal ta' demokratizzazzjoni tan-netwerk, hemm ir-riskju wkoll li d-data u n-netwerks teknoloġiċi jiġu kkapparrati b'mod spekulattiv f'idejn il-ftit atturi jew il-pajjiżi li huma kapaċi jagħmlu investimenti kbar. Għalhekk, huwa importanti li jkun hemm interventi pubbliċi li jappoġġjaw l-iżvilupp parteċipatorju u aċċessibbli ta' dawn it-teknoloġiji.

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  "Blockchain Innovation in Europe" (L-Innovazzjoni tal-Blockchain fl-Ewropa) f'Lulju 2018, "Blockchain e General Data Protection Regulation (GDPR)" (Il-Blockchain u r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) f'Ottubru 2018, "Blockchain for Government and Public Services" (Il-Blockchain għall-Gvern u s-Servizzi Pubbliċi) f'Diċembru 2018, "Scalabilità, interoperabilità e sostenibilità delle blockchain" (Skalabbiltà, interoperabbiltà u sostenibbiltà tal-Blockchain) f'Marzu 2019, "Blockchain and Digital Identity" (Il-Blockchain u l-Identità Diġitali) f'Mejju 2019.


OPINJONIJIET

18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/6


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni ta’ suq uniku li jiffavorixxi l-intraprenditorija u l-innovazzjoni — il-promozzjoni ta’ mudelli ekonomiċi ġodda biex jindirizzaw l-isfidi soċjali u t-tranżizzjonijiet”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 353/02)

Relatur: Giuseppe GUERINI

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.1.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

4.7.2019

Adottata fil-plenarja

17.7.2019

Sessjoni plenarja Nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

185/0/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Illum hija rikonoxxuta l-ħtieġa li tiġi segwita ekonomija soċjali tas-suq li, filwaqt li tapplika teknoloġiji ġodda b’mod intelliġenti, tkun tista’ tindirizza l-isfidi ewlenin relatati mas-sostenibbiltà, it-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi.

1.2.

Il-KESE huwa tal-fehma li d-dinja tan-negozju tista’ tagħmel kontribut attiv u importanti f’dan ir-rigward, flimkien mal-istituzzjonijiet pubbliċi. B’mod partikolari, dan il-kontribut jista’ jsir minn dawk l-intrapriżi kollha tal-ekonomija reali li joħolqu valur u impjieg mingħajr ma jużaw l-ingranaġġi finanzjarji b’mod spekulattiv.

1.3.

Minħabba l-firxa wiesgħa tal-mudelli tan-negozju u tal-forom ta’ intrapriża preżenti fil-livell Ewropew, huwa importanti li l-proposti leġislattivi li jikkonċernaw in-negozji, l-ekonomija u s-suq intern ma jkunux omoġenji, u jiġi rrifjutat l-approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” u minflok isir l-aqwa użu minn dak li ġie definit bħala l-“bijodiversità tal-intrapriżi”.

1.4.

Huwa kruċjali li l-istituzzjonijiet Ewropej jappoġġjaw l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali u l-użu korrett tal-big data, kemm billi jinħolqu regoli adegwati li jiggarantixxu l-iżvilupp ta’ tali teknoloġiji filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-individwu, kif ukoll billi r-riżorsi pubbliċi Ewropej u statali jiġu investiti b’mod koordinat biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-UE fuq skala globali. B’mod partikolari, il-big data u l-potenzjal tagħha għandhom ikunu aċċessibbli wkoll għall-SMEs.

1.5.

Il-bidliet fil-proċessi ta’ produzzjoni u l-ekonomija ġenerali li wasslu għalihom it-teknoloġiji l-ġodda, l-intelliġenza artifiċjali u l-big data se jibdlu b’mod radikali wkoll is-suq tax-xogħol. Madankollu, huwa importanti li dawn il-proċessi ta’ tibdil iseħħu fil-kuntest ta’ djalogu soċjali li jagħti l-frott, u b’rispett għad-drittijiet u l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema.

1.6.

Jeħtieġ li l-miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs, pereżempju, il-Pjan Juncker, il-programm COSME jew, fil-futur, il-programm InvestEU, ikomplu jappoġġjaw lill-SMEs u lill-intrapriżi soċjali li ta’ spiss ibatu biex jikbru minħabba problemi ta’ likwidità u sottokapitalizzazzjoni. Għandu wkoll jitħeġġeġ b’mod attiv l-iżvilupp ta’ suq Ewropew ta’ kapital ta’ riskju.

1.7.

Il-ħtieġa li jiġu żgurati l-koeżjoni u l-ġustizzja soċjali f’popolazzjoni Ewropea li kulma jmur qed tixjieħ u dejjem tonqos tagħti xhieda tar-rwol li l-impriżi soċjali u mutwi jista’ jkollhom fil-futur. Għalhekk jeħtieġ li jsir iżjed biex isir l-aħjar użu mir-rwol ta’ dawn l-impriżi, biex b’hekk in-nies ikunu jistgħu jorganizzaw ruħhom u jaħdmu flimkien biex jindirizzaw il-ħtiġijiet soċjali li dejjem jikbru.

1.8.

Il-KESE jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġi rikonoxxut u appoġġjat ir-rwol li l-SMEs, in-negozji tal-familja, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, in-negozji tal-artiġjanat, il-kummerċjanti ż-żgħar u l-bdiewa jaqdu fil-promozzjoni u t-tixrid ta’ spirtu intraprenditorjali ċċentrat fuq ir-rwol tan-nies u l-komunitajiet lokali, li b’hekk jgħin biex jinbena mudell Ewropew ta’ suq uniku inklużiv. Barra minn hekk, dawn l-intrapriżi jagħmluha possibbli li ssir attività ekonomika u intraprenditorjali għal numru ikbar ta’ nies, b’mod li jiffavorixxu d-demokrazija ekonomika.

2.   Sfond u suġġett tal-inizjattiva

2.1.

L-għan ta’ din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa li tagħmel kontribut lill-istituzzjonijiet Ewropej sabiex jiġi żgurat li l-isforzi favur it-tisħiħ tas-suq uniku jħeġġu l-ħolqien ta’ qafas li jkun adattat għall-iżvilupp ta’ diversi forom ta’ negozju li jkunu lesti jilqgħu l-isfidi li tiffaċċja s-soċjetà.

2.2.

Illum hija rikonoxxuta l-ħtieġa li tiġi segwita ekonomija soċjali tas-suq li, filwaqt li tapplika teknoloġiji ġodda b’mod intelliġenti, tkun tista’ tindirizza l-isfidi ewlenin relatati mas-sostenibbiltà, il-mitigazzjoni tal-effetti dannużi tat-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, it-tensjonijiet demografiċi, il-pressjoni migratorja qawwija fil-fruntieri esterni tal-UE, u t-tranżizzjoni tal-enerġija.

2.3.

Il-KESE huwa tal-fehma li d-dinja tan-negozju tista’ tagħmel kontribut importanti flimkien, naturalment, mal-istituzzjonijiet pubbliċi. Fil-fatt, it-trasformazzjonijiet il-kbar imsemmija fil-paragrafu preċedenti jistgħu jiġu indirizzati wkoll bl-implimentazzjoni tal-potenzjal innovattiv ta’ kull attività intraprenditorjali. Madankollu, xi mudelli ta’ żvilupp ekonomiku u xi forom ta’ intrapriżi urew tendenza akbar li jappoġġjaw l-innovazzjonijiet soċjali li jidhru li huma dejjem iktar essenzjali għas-suċċess ta’ ekonomija aktar sostenibbli u inklużiva.

2.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li suq uniku li jwassal għall-innovazzjoni u l-intraprenditorija l-ġdida jista’ jsib punti importanti ta’ konverġenza fl-Aġenda 2030 tan-NU għall-iżvilupp sostenibbli, peress li l-għanijiet tat-tkabbir u l-innovazzjoni, li huma essenzjali biex jiġi żgurat li jissokta l-benesseri fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu mhux biss sodi iżda wkoll sostenibbli.

2.5.

F’dawn l-aħħar snin, il-KESE adotta ħafna Opinjonijiet speċifiċi dwar it-temi fundamentali li ġejjin:—

It-tiftix ta’ mudelli ekonomiċi sostenibbli ġodda (1);

Forom differenti ta’ intraprenditorija (2);

It-trasformazzjonijiet diġitali (3).

2.6.

Il-KESE huwa tal-fehma li hemm diversi “ekosistemi” ekonomiċi li jistħoqqilhom li jingħataw attenzjoni mil-leġislatur Ewropew sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq intern. Is-sistema ekonomika tal-UE hija differenzjata u tinkludi intrapriżi multinazzjonali, intrapriżi nazzjonali u ħafna intrapriżi lokalizzati. Ta’ spiss, dawn l-intrapriżi jiġu organizzati fi ktajjen distrettwali ta’ produzzjoni: żoni metropolitani b’sistemi urbani b’densità għolja, u żoni rurali u periferiċi, fejn mhux dejjem faċli li jiġu żgurati l-benesseri u l-koeżjoni soċjali, sakemm ma tingħatax attenzjoni apposta biex l-innovazzjoni teknoloġika ssir aċċessibbli anke fiż-żoni deċentralizzati.

2.7.

F’dawn il-kuntesti kollha, jeħtieġ li jitlaqqgħu flimkien u jiġu integrati ma’ xulxin il-forom differenti ta’ negozju. Madankollu, kull wieħed minn dawn l-oqsma jistħoqqlu attenzjoni dedikata mil-lat tal-miżuri leġislattivi u l-investiment pubbliku. Għal din ir-raġuni, huwa importanti li l-proposti leġislattivi u dawk dwar ir-regolazzjoni ekonomika dwar in-negozju, l-ekonomija u s-suq intern ma jkunux kompletament uniformi, u b’hekk jiġi rrifjutat l-approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”.

3.   Lejn ekonomija Ewropea ġdida teknoloġika sostenibbli u inklużiva

3.1.

Jeħtieġ li jiġu żviluppati mudelli ġodda ta’ produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi abbażi tal-ekonomija diġitali u t-teknoloġiji l-ġodda, li għandhom il-potenzjal li jibdlu l-mod li bih jiġu żviluppati l-attivitajiet tal-intrapriżi Ewropej.

3.2.

F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet Ewropej jappoġġjaw kif imiss l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali, kemm billi jinħolqu regoli biex jiġi żgurat li din it-teknoloġija tiġi żviluppata filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-individwu, kif ukoll billi jsir investiment b’mod koordinat ta’ riżorsi pubbliċi Ewropej u statali sabiex ma jitilfux posthom meta mqabbla ma’ atturi bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina.

3.3.

L-użu, l-ipproċessar u l-ħżin tal-big data wkoll ser ikunu fundamentali biex jiżguraw il-kompetittività fis-suq Ewropew, peress li l-kapaċità tal-ipproċessar tad-data u l-opportunità li din id-data tintuża fl-istrateġiji tal-iżvilupp ekonomiku u s-servizzi personali qed jiżdiedu b’mod kostanti. Madankollu, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-ipproċessar u l-iżvilupp ta’ data bħal din jitwettqu skont id-drittijiet tal-individwu, il-libertajiet fundamentali u r-Regolament Ġenerali l-ġdid tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data.

3.4.

L-ispeċifiċitajiet tan-nisġa intraprenditorjali u ekonomika Ewropea għandhom l-elementi meħtieġa biex jindirizzaw it-trasformazzjoni diġitali, u biex jibnu ekosistema virtuża magħmula minn diversità eteroġeneja ta’ negozji internazzjonali u lokali li huma kapaċi jilħqu aspirazzjonijiet globali. Sabiex dan iseħħ, hemm bżonn urġenti ta’ Ewropa magħquda, konnessa, koeżiva u kompetittiva. Esperjenza pożittiva f’dan ir-rigward hija dik taċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali li qed jitwaqqfu f’bosta sistemi ekonomiċi lokali.

3.5.

Il-bidliet ewlenin fil-proċessi ta’ produzzjoni u l-ekonomija ġenerali li wasslu għalihom it-teknoloġiji ġodda, l-intelliġenza artifiċjali u l-big data se jibdlu b’mod radikali wkoll is-suq tax-xogħol. Ċerti impjiegi se jisparixxu, oħrajn se jinħolqu u oħrajn ser jgħaddu minn tibdil radikali. Huwa importanti li dawn il-proċessi ta’ bidla jseħħu fil-kuntest ta’ djalogu soċjali produttiv u billi jikġu rispettati d-drittijiet tal-ħaddiema, li għandhom ikunu appoġġjati kemm f’termini ta’ protezzjoni kif ukoll tat-taħriġ kontinwu.

3.6.

Fattur ewlieni ieħor għat-tkabbir jikkonċerna l-politiki tat-tassazzjoni. Fil-mandat leġislattiv attwali, il-Kummissjoni Ewropea ħadmet ħafna fuq il-kwistjonijiet tat-taxxa. Il-KESE jemmen li l-effettività tar-regoli tat-taxxa u livell raġonevoli tal-armonizzazzjoni tagħhom huma essenzjali għat-tisħiħ tas-suq intern. Barra minn hekk, il-politiki tat-tassazzjoni promossi fil-livell Ewropew għandhom jappoġġjaw l-għodod funzjonali għat-tkabbir tan-negozju, bħall-investimenti fir-R&Ż u l-aċċess għall-kapital fil-forma ta’ ekwità.

3.7.

Anke llum il-ġurnata, l-SMEs Ewropej u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jbatu minn problemi strutturali u min-nuqqas ta’ kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp tagħhom, minkejja l-ħafna sforzi li saru biex jappoġġjawhom. Barra minn hekk, l-SMEs spiss joperaw fil-produzzjoni ta’ teknoloġija medja-baxxa u servizzi inqas intensivi fl-għarfien u jbatu biex jidħlu fis-suq transkonfinali. Jeħtieġ li dawn l-intrapriżi jiġu appoġġjati aktar, minħabba li, hekk kif il-Kummissjoni tfakkarna, dawn jirrappreżentaw 99 % tan-negozji Ewropej u 67 % tal-impjieg (4). Għal din ir-raġuni, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġu rrispettati l-prinċipji tas-suq ħieles u l-kompetizzjoni, dawn l-intrapriżi għandhom ikunu appoġġjati b’mod adegwat minn politiki industrijali u tat-tassazzjoni li jwasslu għal valur kondiviż, aktar milli l-konċentrazzjoni tal-ġid.

3.8.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li l-miżuri li jappoġġjaw l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs, bħall-Pjan Juncker bis-sistema tiegħu ta’ garanziji pubbliċi, il-programm COSME jew il-programm InvestEU jkomplu jappoġġjaw lill-SMEs u lill-intrapriżi soċjali. F’din il-perspettiva, għandha tiġi appoġġjata iżjed il-parteċipazzjoni ta’ individwi privati f’negozji ġodda u fl-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, billi jiġi żviluppat suq Ewropew ta’ kapital ta’ riskju u ta’ riskju għoli li d-daqs tiegħu hu kompletament differenti mill-Istati Uniti. L-adozzjoni ta’ politiki li jippromovu l-investiment tal-kapital privat fin-negozji Ewropej għandha tkun akkumpanjata wkoll minn miżuri konkreti biex jinkisbu t-talenti u l-ħiliet residenti barra l-UE.

3.9.

Id-data tal-Bank Dinji turi li, bħala medja, l-Unjoni Ewropea (5) hija kklassifikata fit-53 post fil-klassifika globali dwar kemm huwa faċli li wieħed jibda attività intraprenditorjali, u tinsab fid-29 post fil-klassifika dwar kemm huwa faċli biex, b’mod ġenerali, titwettaq attività intraprenditorjali. Iżda, l-Istati Uniti jidher li huma fit-8 post mil-lat ta’ kemm hu faċli li titwettaq attività ekonomika. F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza l-importanza tal-appoġġ u l-inkoraġġiment lill-attivitajiet ta’ negozju permezz tas-semplifikazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-attivitajiet ta’ produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi, u fil-piż burokratiku fuq l-imprendituri Ewropej.

3.10.

Illum il-ġurnata, is-suq tal-kuntratti pubbliċi jammonta għal madwar 16 % tal-PDG Ewropew, li jiswa madwar EUR 1,9 triljun. Id-direttivi l-ġodda tal-2014 dwar l-akkwist pubbliku (6) u l-konċessjonijiet (7) ipproponew li, fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku organizzati u operati mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, jiġu kkunsidrati iżjed l-aspetti soċjali u ambjentali. Il-Kummissjoni nnifisha tafferma li, madankollu, dan l-għan għadu ’l bogħod milli jintlaħaq. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni ssaħħaħ u tagħmel aktar effettiva l-kunsiderazzjoni li tingħata lill-aspetti soċjali u ambjentali f’qasam li huwa storikament kruċjali għas-suq uniku Ewropew u għall-moviment liberu tan-negozji u tal-ħaddiema.

3.11.

L-isfidi dejjem jikbru fil-livell internazzjonali, minn naħa waħda, u l-ħtieġa li jiġu żgurati l-koeżjoni u l-ġustizzja soċjali, min-naħa l-oħra, jenfasizzaw ir-rwol li l-intrapriżi soċjali jistgħu jaqdu fil-kuntest attwali. Għalhekk jeħtieġ li jsir aktar biex jiġu rikonoxxuti l-eżistenza u r-rwol tal-intrapriżi fejn toħroġ fid-dieher ir-rieda tan-nies li jorganizzaw ruħhom b’mod awtonomu biex jindirizzaw il-ħtiġijiet soċjali.

3.12.

Fl-intrapriżi ż-żgħar u l-intrapriżi soċjali, l-isforz biex tittieħed azzjoni u l-motivazzjoni dejjem jibdew mill-individwu u mhux mill-kapital, li jfittex “użijiet” li jiżguraw rendiment. Dawn l-intrapriżi huma bbażati fuq l-individwi u huma ankrati fil-komunitajiet lokali, li magħhom irawmu rabtiet fit-tul, li jikkontribwixxu għall-benesseri lokali u l-koeżjoni soċjali. F’dan ir-rigward, is-sistemi Belġjani u Żvediżi (8) ta’ vawċers għall-kollaborazzjonijiet domestiċi huma eżempju sinifikattiv. Dawn is-sistemi jipprovdu skontijiet speċifiċi tat-taxxa għall-utenti u jippromovu l-ħolqien ta’ xogħol mhux iddikjarat b’benefiċċji għall-fornituri tas-servizzi li huma iktar protetti, minn naħa, u għall-baġits statali, min-naħa l-oħra.

3.13.

Ir-rabta mal-komunitajiet lokali u mat-territorju ssir fattur kompetittiv peress li tikkontribwixxi għall-motivazzjoni u l-ħolqien ta’ valuri soċjali u relazzjonali miżjuda. B’dan il-mod, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jagħmluha possibbli li għadd akbar ta’ persuni jinvolvu ruħhom f’attività intraprenditorjali, u b’hekk jikkontribwixxu għal mudell ta’ żvilupp inklużiv.

3.14.

Benefiċċju fundamentali ieħor iġġenerat mill-intrapriżi soċjali huwa ċertament il-kontribut għad-demokrazija ekonomika, peress li dawn jipprovdu lil miljuni ta’ nies l-opportunità li jwettqu attività ekonomika u li joħolqu impjieg għalihom innifishom b’mod indipedenti fuq il-bażi tal-ħiliet, l-abilitajiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom stess.

3.15.

Dan jinkludi, pereżempju, il-kooperattivi, l-impriżi mutwi, il-fondazzjonijiet appoġġjati mill-komunitajiet lokali u l-intrapriżi soċjali. Ir-rikonoxximent ta’ dawn in-negozji qed jikber ukoll bħala riżultat tal-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali mnedija mill-Kummissjoni Ewropea fl-2011, li forsi tista’ tiġi segwita minn inizjattiva aktar ambizzjuża u aktar komprensiva.

3.16.

Jeħtieġ li ssir referenza partikolari għall-banek lokali u reġjonali, li huma opportunità insostitwibbli għal miljuni ta’ persuni biex ikollhom aċċess għall-kreditu. L-approċċ regolatorju Ewropew fejn jidħlu l-banek għadu żvantaġġuż u ma jikkonformax mal-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li jissoġġetta għall-istess regoli tekniċi kemm lill-banek globali kif ukoll lil dawk lokali, abbażi tal-approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”.

4.   In-negozji Ewropej f’kuntest soċjali u globali makro

4.1.

Irridu nkunu konxji li x-xenarju globali se jinbidel b’mod konsiderevoli fis-snin li ġejjin, partikolarment fir-rigward tal-istatistika demografika, il-kapaċità produttiva u l-piż ekonomiku fost in-nazzjonijiet u l-kontinenti.

4.2.

Bħala parti minn dat-tibdil, l-Ewropa, bil-500 miljun abitant tagħha, se titlef il-pożizzjoni ċentrali tagħha fil-konfront tal-popolazzjoni globali, li mis-7,6 biljun ruħ tal-lum ser tiżdied għal 9,8 biljun ruħ fl-2050, fejn it-tkabbir ser ikun ikkonċentrat f’9 pajjiżi (l-Indja, in-Niġerja, il-Kongo, il-Pakistan, l-Etjopja, it-Tanzanija, l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Uganda u l-Indoneżja) (9).

4.3.

Fl-istess ħin, is-sehem tal-anzjani ser ikompli jikber u l-għadd ta’ persuni li, fl-2050, ser ikollhom aktar minn 80 sena se jittripla mill-137 miljun ruħ tal-lum għal aktar minn 425 miljun ruħ. Din iż-żieda ser tkun ikkonċentrata fl-Ewropa, fejn l-età medja diġà hija madwar l-40 u l-45 sena, filwaqt li fil-“pajjiżi emerġenti” hija bejn il-25 u t-30 sena.

4.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-bidliet ewlenin li qed isiru issa jitolbu li jittieħed approċċ olistiku, biex il-politiki ekonomiċi u regolatorji Ewropej jiġu kkoordinati mal-koeżjoni soċjali u l-protezzjoni tal-iżjed gruppi vulnerabbli, mingħajr ma jitħallew barra l-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà, il-persuni żvantaġġati u l-iżjed gruppi vulnerabbli.

4.5.

Minbarra l-pjani għall-iżvilupp industrijali u l-politiki ekonomiċi, l-isfida tal-ħolqien ta’ suq favorevoli għall-innovazzjoni u l-intraprenditorija hija li tiġi sfruttata ċ-ċertezza unika kbira li wieħed jista’ jiddependi minnha f’dinja dejjem aktar inċerta: il-bniedem.

4.6.

Meta jsir l-aqwa użu mill-kapital uman, is-sistema ekonomika kollha kemm hi tista’ tibbenefika, u tikkonferma li l-imġiba tan-nies u n-negozji, fil-qasam ekonomiku, ma għandhiex fil-mira tagħha biss l-aqwa qligħ. B’dan il-mod, tista’ tiġi kkonsolidata l-idea li kulma jħeġġeġ li tittieħed azzjoni ekonomika, u x-xewqa li jinbeda negozju, imur ferm lil hinn mis-sempliċi ħtieġa li jiġi akkumulat il-kapital. Dan ma jfissirx li tingħata inqas importanza għas-suċċess ekonomiku, iżda jfisser li l-valur tiegħu għandu jitkejjel b’mod differenti.

4.7.

F’dawn l-aħħar deċennji, is-suċċess tan-negożji, b’mod partikolari l-intrapriżi tal-ekonomija diġitali kbar, ġie vvalutat u mkejjel l-aktar mil-lat tal-kapaċità li jinkiseb valur minn perspettiva finanzjarja, pjuttost milli l-ħolqien tal-valur u l-impjieg permezz tax-xogħol.

4.8.

Fl-aħħar nett, il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li jsir investiment fit-tagħlim kontinwu taċ-ċittadini Ewropej sabiex ikunu ppreparati biex jiffaċċjaw il-bidliet kontinwi f’dan il-perjodu li qed ngħixu fih. Għalhekk huwa kruċjali li jsir investiment fi programmi ta’ taħriġ li jappoġġjaw ir-rieda li wieħed jibda negozju, u li joffru għodod u ħiliet ta’ awtoorganizzazzjoni sa minn età żgħira, kif ukoll ħiliet li jinkoraġġixxu l-inizjattiva, il-kreattività u l-kuraġġ li jittieħdu r-riskji. Fl-istess ħin, il-politiki ta’ taħriġ u appoġġ se jkollhom jiżguraw li l-popolazzjoni Ewropea li qed tixjieħ (magħrufa llum bħala l-“ekonomija tal-anzjani”) – u dejjem inqas numeruża f’livell dinji – tkun tista’ tibbenefika minn kwalità tajba ta’ ħajja u tikkontribwixxi b’mod attiv.

4.9.

Kull persuna għandha titqies bħala valur prijoritarju, kif jixhdu l-esperjenzi ta’ suċċess tal-intrapriżi soċjali li jaħdmu fil-qasam tal-integrazzjoni permezz tax-xogħol, li waqqfu negozji b’saħħithom u kompetittivi, li jimpjegaw ħaddiema f’sitwazzjonijiet diffiċli jew li jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol tradizzjonali.

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 57; ĠU C 75, 10.3.2017, p. 33; ĠU C 75, 10.3.2017, p. 1 u ĠU C 303, 19.8.2016, p. 28

(2)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 20; ĠU C 283, 10.8.2018, p. 1; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 8; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 152; ĠU C 458, 19.12.2014, p. 14 u ĠU C 345, 13.10.2017, p. 15

(3)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 73; ĠU C 81, 2.3.2018, p. 102; ĠU C 62, 15.2.2019, p. 33; ĠU C 227, 28.6.2018, p. 70; ĠU C 75, 10.3.2017, p. 6 u ĠU C 62, 15.2.2019, p. 131

(4)  https://ec.europa.eu/growth/smes/business-friendly-environment/performance-review_mt

(5)  http://www.doingbusiness.org/content/dam/doingBusiness/media/Annual-Reports/English/DB2019-report_print-version.pdf

(6)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65

(7)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1

(8)  http://impact-phs.eu/national-practices/sweden-rot-rut-avdrag/

(9)  United Nations, World Population Prospects 2017 revision;https://population.un.org/wpp/Publications/Files/WPP2017_KeyFindings.pdf


18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-konsumaturi fl-ekonomija ċirkolari”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

([…])

Relatur: Carlos TRIAS PINTÓ

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.1.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

4.7.2019

Adottata fil-plenarja

17.7.2019

Sessjoni plenarja Nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

200/4/9

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jitlob għal riorjentazzjoni strateġika – fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali – li tippromovi bil-qawwa mudelli ġodda ta’ ċirkolarità, mhux biss billi jittejjeb l-allinjament tal-atturi kollha, iżda wkoll billi tqiegħed lill-konsumaturi fil-qalba tal-politiki pubbliċi.

1.2.

Għaldaqstant, permezz taċ-ċirkolarità tal-ekonomija u t-tnaqqis tal-konsum eċċessiv jistgħu jinkisbu l-intensità u l-effiċjenza meħtieġa biex il-konsumatur jitqiegħed fil-qalba tat-tibdil tal-mudell attwali ta’ produzzjoni u konsum, billi l-atti ta’ konsum ta’ kuljum huma l-iżjed mod effettiv ta’ tranżizzjoni.

1.3.

Huwa neċessarju li jiġu implimentati l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-awtotagħlim matul il-ħajja kollha, u li tingħata l-iżjed informazzjoni oġġettiva possibbli dwar l-għażliet tal-konsum u li l-konsumatur jiġi ggwidat lejn imġiba ċirkolari. Il-KESE jenfasizza r-rwol tal-amministrazzjonijiet pubbliċi lokali u tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi f’dan il-qasam.

1.4.

Il-prestazzjoni tal-azzjonijiet se titkejjel bl-użu tal-indikaturi tal-impatt li se jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 12 (SDG 12) (1) tan-Nazzjonijiet Uniti u l-miri assoċjati tiegħu, u dan jagħti lok għal proċessi ta’ standardizzazzjoni ġodda.

1.5.

Fid-dawl tan-natura trasversali tal-konsum konxju, is-16-il SDG l-oħra u l-miri rispettivi tagħhom se jikkomplementaw il-valutazzjonijiet tal-impatt, u l-SDG 17 “Sħubijiet” se joħloq spazji ta’ kokreazjoni u ta’ responsabbiltà kondiviża, li jiffaċilitaw kemm l-effetti multiplikaturi kif ukoll l-iskalabbiltà meħtieġa.

1.6.

Il-kalkolu soċjali u ambjentali tal-impronti tal-prodotti fid-diversi ktajjen ta’ valur għandu potenzjal kbir biex jipprovdi lill-konsumaturi b’informazzjoni rilevanti fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ konsum tagħhom, fil-qafas tas-soċjetà diġitali. Il-KESE jinsisti fuq l-użu ta’ indikaturi tal-impatt affidabbli, komparabbli u verifikabbli, u jenfasizza b’mod partikolari l-importanza tal-monitoraġġ tal-indikaturi relatati mas-sustanzi kimiċi, inkluż il-mod kif jiġu ġestiti.

1.7.

L-azzjonijiet iridu jkunu ggwidati mill-filosofija fejn jiggwadanja kulħadd, u ma għandhomx jissejsu fuq approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”; għandhom ikunu adattati għall-kundizzjonijiet idjosinkratiċi tat-territorji u s-setturi ekonomiċi differenti, filwaqt li jagħmlu użu minn metodoloġiji minn isfel għal fuq li jinvolvu lill-atturi rilevanti kollha. Dawn l-inizjattivi għandhom ikunu msejsa kompletament fuq l-iżvilupp tal-ekonomiji lokali, u l-koordinazzjoni tagħhom għandha tkun xprunata mill-istituzzjonijiet u mill-awtonomizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur.

1.8.

It-tmexxija tal-Ewropa fid-diversi mudelli tal-ekonomija ċirkolari għandha tikkorrispondi mal-ħolqien ta’ ambjent tan-negozju li jiffaċilita l-internazzjonalizzazzjoni ta’ oġġetti u servizzi tal-ekonomija ċirkolari, b’feedback minn esperjenzi pijunieri f’pajjiżi bħall-Korea t’Isfel (2). Dawn il-mudelli għandhom ikunu akkumpanjati minn linji gwida speċifiċi dwar tranżizzjoni ġusta għal ekonomiji u soċjetajiet ambjentalment sostenibbli (3), li jiggarantixxu wkoll kundizzjonijiet ekwivalentita’ kompetizzjoni fil-konfront ta’ prodotti opportunistiċi minn pajjiżi terzi.

1.9.

Ir-reklamar u l-prattiki kummerċjali għandhom rwol ewlieni fid-deċiżjonijiet tal-konsumatur. Il-politiki ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva bilfors iridu jikkontribwixxu biex jingħelbu l-prattiki tal-“greenwashing” u tas-“social washing”. F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali attwali għall-monitoraġġ u l-akkreditazzjoni tat-tranżizzjonijiet differenti għall-ekonomija ċirkolari.

1.10.

It-tassazzjoni u l-akkwist pubbliku responsabbli huma għodod effettivi biex jiddirieġu l-approċċ ibbażat fuq il-premji lejn il-produzzjoni u l-konsum responsabbli, bħala parti mill-istandardizzazzjoni gradwali tal-prodotti u s-servizzi. Fl-ewwel każ, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw mezzi effettivi biex japplikaw approċċ ibbażat fuq il-gwadann, filwaqt li jersqu lejn konverġenza gradwali tat-tassazzjoni ċirkolari li tikkontribwixxi għas-Suq Uniku Ewropew; u, fit-tieni każ, l-amministrazzjonijiet pubbliċi lokali għandhom jistabbilixxu pjani ta’ appoġġ għall-“fornituri sostenibbli”, sabiex ikun aktar faċli għalihom li jiżguraw l-idoneità u l-iskalabbiltà tal-produzzjoni tagħhom, li attwalment sikwit twassal għal defiċits biex tissodisfa r-rekwiżiti kuntrattwali attwali.

1.11.

Bl-istess mod, il-KESE jħeġġeġ ukoll tikkettar volontarju, bħala pass lejn it-tikkettar obbligatorju, sakemm ikun ibbażat fuq skemi volontarji ta’ eċċellenza ambjentali indipendenti u vverifikati. Il-promozzjoni tal-ekotikketta tal-UE (4) u l-estensjoni tagħha għal aktar prodotti jista’ jagħmilha “marka” ewlenija għal għażliet sostenibbli fl-Ewropa.

1.12.

Il-KESE jenfasizza l-urġenza li jittejjeb l-ekodisinn, billi jiġu analizzati b’mod sistematiku r-rekwiżiti tal-ħajja operattiva, it-tiswija, il-komponenti kimiċi, eċċ., filwaqt li jiġu osservati l-kriterji soċjali u fl-istess waqt jiġu promossi n-netwerks lokali tal-konsum u l-prattiki tal-konsumaturi u l-produtturi.

2.   Introduzzjoni u sfond

2.1.

It-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli għandhom iqisu wkoll il-fatturi kwalitattivi, li jinvolvu l-fatt li l-ħaddiema u l-ambjent ma jiġux sfruttati, kundizzjonijiet tal-għajxien ġusti li ma josbqux ir-riżorsi tal-pjaneta u, fl-aħħar, mudell li jżomm il-bilanċ bejn il-prosperità ekonomika, il-problemi ambjentali u l-inklużjoni soċjali (5).

2.2.

L-ekonomija ċirkolari għandha tkun mudell ta’ mġiba umana kompatibbli mar-regoli ta’ funzjonament tan-natura u li jippreserva u jirriġenera l-kapital naturali.

2.3.

Sal-lum, saru bosta studji, proposti u Opinjonijiet dwar it-tranżizzjoni minn ekonomija lineari għal ekonomija ċirkolari, li ffokaw fuq il-produzzjoni u bilkemm indirizzaw ir-rwol tal-konsumatur, li huwa attur ewlieni biex jiġu ffaċċjati l-isfidi tal-ekonomija ċirkolari.

2.4.

Bħala punt tat-tluq, hemm distakk qawwi bejn l-istqarrijiet tal-konsumaturi, li huma konxji ħafna tal-isfidi soċjali u ambjentali (6), u l-imġiba tagħhom, peress li jħabbtu wiċċhom mal-fenomenu tal-ispiża baxxa, fejn il-prezz (li ma jqisx l-effett tal-esternalitajiet negattivi) huwa sikwit aktar importanti mill-kwalità intrinsika tal-prodott jew tas-servizz.

2.5.

Għalhekk, iċ-ċifri jonqsu meta naqbżu mill-perċezzjonijiet u l-aspettattivi għall-azzjonijiet u l-impenji. Imbagħad toħroġ fid-dieher it-tensjoni bejn dak li huwa aċċessibbli u dak li huwa sostenibbli, fejn l-informazzjoni u t-taħriġ huma fatturi ewlenin biex il-konsumaturi jipparteċipaw bl-aqwa mod possibbli fil-proċess.

2.6.

Saru xi referenzi espliċiti għall-imġiba tal-konsumatur fil-qafas tal-pakkett ta’ miżuri dwar l-ekonomija ċirkolari u dawn ġew appoġġjati mill-KESE (7):

2.7.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar “Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ekonomija ċirkolari” (8), il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jenfasizza l-imġiba tal-konsumaturi u t-tendenzi soċjali, b’enfasi fuq ir-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, biex isaħħu l-miżuri tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kwalifiki professjonali li jtejbu l-fehim tal-konsum sostenibbli, il-konservazzjoni tar-riżorsi u l-prevenzjoni tal-iskart, kif ukoll ir-responsabbiltà tal-produtturi fl-istadji tad-disinn u tal-kummerċjalizzazzjoni.

2.8.

Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li ċerti forom innovattivi ta’ konsum ukoll jistgħu jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari: il-kondiviżjoni ta’ prodotti jew infrastrutturi (ekonomija kollaborattiva), il-konsum ta’ servizzi minflok prodotti, l-użu ta’ pjattaformi tal-IT jew diġitali, eċċ.

3.   L-ekonomija ċirkolari fil-politiki tal-UE

3.1.

L-isfida reali tal-politiki tal-UE dwar l-ekonomija ċirkolari, apparti l-aspetti regolatorji u produttivi, hija li jiġi mmobilizzat il-kapital uman tal-imġiba tal-konsumaturi permezz tal-għażliet u d-drawwiet ta’ kuljum tagħhom. L-effett multiplikatur tal-azzjonijiet individwali jindika l-parteċipazzjoni sħiħa tal-konsumatur bħala lieva effettiva għall-bidla.

3.2.

Fil-Komunikazzjoni “L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari” (9) jiġi konkluż li “[l]-għażliet magħmula minn miljuni ta’ konsumaturi jistgħu jappoġġaw jew ifixklu l-ekonomija ċirkolari”.

3.3.

Il-Komunikazzjoni tqis li “[m]eta jaffaċċjaw numru ta’ tikketti jew asserzjonijiet ambjentali, il-konsumaturi tal-UE ta’ spiss isibuha diffiċli biex jiddistingwu bejn prodotti u biex jafdaw l-informazzjoni disponibbli. Dikjarazzjonijiet ekoloġiċi mhux dejjem jissodisfaw ir-rekwiżiti legali għall-affidabbiltà, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza.”

3.4.

“Il-prezz huwa fattur ewlieni li jaffettwa d-deċiżjonijiet ta’ xiri, kemm fil-katina tal-valur kif ukoll għall-konsumaturi finali. Għalhekk l-Istati Membri huma mħeġġa biex jipprovdu inċentivi u jużaw strumenti ekonomiċi, bħal pereżempju t-tassazzjoni, biex jiżguraw li l-prezzijiet tal-prodotti jirriflettu aħjar l-ispejjeż ambjentali. Aspetti relatati ma’ garanziji, bħall-perjodu ta’ garanzija legali u t-treġġigħ lura tal-oneru tal-prova(…) jistgħu jipproteġu lill-konsumaturi kontra prodotti difettużi u jikkontribwixxu għad-durabbiltà u r-riparabilità tagħhom.”

3.5.

Però, għalkemm telenka ħafna mill-parametri ewlenin tas-sostenibbiltà, tinjora l-ħafna interazzjonijiet li jseħħu fil-ktajjen tal-valur differenti, u b’hekk tpoġġi lill-konsumatur fi rwol ta’ attur sekondarju.

4.   L-ogħla livell fil-politiki tal-UE

4.1.

L-Ewropa diġà għandha l-qafas regolatorju biex tippromovi l-akkwist pubbliku responsabbli (10), u l-potenzjal tiegħu (11) jagħmluha wieħed mill-ixpruni tal-ekonomija ċirkolari. Madankollu, hemm ħafna diffikultajiet għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu, li teħtieġ kjarifika akbar dwar liema prodotti u servizzi huma kkunsidrati ċirkolari.

4.2.

Jeħtieġ li l-proċessi ta’ standardizzazzjoni jiġu indirizzati fil-livell globali abbażi ta’ parametri ġodda, peress li ekonomija multilaterali u globalizzata teħtieġ lingwa komuni. Dan għandu jsir abbażi ta’ terminoloġija dinamika, minħabba li hija tranżizzjoni li ttissawwar b’mod retroattiv mill-aħjar prattiki tal-ktajjen ta’ valur differenti.

4.3.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Finanzi Sostenibbli u r-regolamentazzjoni dwar tassonomija ġdida ta’ attivitajiet sostenibbli (12) se jistabbilixxu sensiela ġdida ta’ indikaturi ta’ impatt soċjoambjentali, b’konformità sħiħa mal-linji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti.

4.4.

Bl-appoġġ tar-riżorsi tal-Kummissjoni Ewropea, li issa huma msaħħa u miġbura flimkien taħt l-InvestEU, huwa previst li l-investimenti jiġu diretti mill-ġdid b’mod sinifikanti lejn attivitajiet li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-prevenzjoni tat-tnaqqis tar-riżorsi naturali, inkluż ir-rinnovazzjoni ta’ bini residenzjali u l-użu tas-sistema ġeotermali (13), it-tnejn marbuta ma’ deċiżjonijiet diretti tal-konsumatur.

4.5.

Il-Patt Ġdid għall-Konsumaturi, bil-punti tajbin u d-dgħufijiet tiegħu, se jikkontribwixxi biex titjieb il-fiduċja tal-konsumatur (14). Fil-fehma tal-KESE (15), it-titjib tal-qafas ta’ implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-konsumatur huwa kundizzjoni fundamentali għall-iżvilupp bilanċjat taċ-ċirkolarità.

4.6.

Ta’ min jenfasizza l-inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u l-KESE li tniedi l-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari (16), li hija “netwerk ta’ netwerks” li tipprovdi post ta’ laqgħa biex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi u jiġu skambjati l-aħjar prattiki u soluzzjonijiet. Il-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut (REAP) (17) u l-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel (18), fost l-oħrajn, jaqdu wkoll rwol importanti.

5.   Impenji futuri mill-Kummissjoni Ewropea

5.1.

Fil-ħidma tagħha dwar l-ekodisinn, il-Kummissjoni se tistudja b’mod speċifiku xi rekwiżiti proporzjonati dwar id-durabbiltà, l-informazzjoni relatata mal-kondiviżjoni tal-użu u mat-tiswija, u d-disponibbiltà tal-parts tal-bdil. Hija se tivvaluta wkoll l-introduzzjoni ta’ informazzjoni dwar id-durabbiltà fit-tikkettar tal-enerġija.

5.2.

Fil-proposti riveduti tagħha dwar l-iskart, il-Kummissjoni tikkunsidra regoli ġodda li jinkoraġġixxu l-attivitajiet ta’ użu mill-ġdid.

5.3.

Il-Kummissjoni se taħdem għal infurzar aħjar tal-garanziji tal-prodotti tanġibbli, ser tgħarbel alternattivi oħra possibbli għal titjib, u tiġġieled kontra l-asserzjonijiet ekoloġiċi foloz.

5.4.

Il-Kummissjoni se tħejji programm ta’ ttestjar indipendenti fil-qafas tal-Orizzont Ewropa sabiex tkompli timxi ’l quddiem fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mal-obsolexxenza prematura (19).

5.5.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-akkwist pubbliku ekoloġiku, b’enfasi fuq l-inkorporazzjoni tal-ekonomija ċirkolari fil-kriterji l-ġodda, jew dawk riveduti.

6.   Fil-verità qegħdin noqorbu lejn ekonomija ċirkolari?

6.1.

“Is-sostenibbiltà hija proċess[…] fejn l-imġiba, l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-gvernijiet, tal-kumpaniji, tal-ħaddiema, taċ-ċittadini u tal-konsumaturi huma mmexxija mir-realizzazzjoni tal-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tagħhom b’mod responsabbli.” (20)

6.2.

Fil-fehma tal-KESE, l-enfasi tal-istituzzjonijiet tal-UE qiegħda fuq l-aspetti ambjentali u produttivi tal-ekonomija ċirkolari u bilkemm tittratta l-aspetti soċjali jew relatati mal-konsumaturi. Dan joħloq ir-riskju li sseħħ tranżizzjoni ċirkolari għal ekonomija lineari oħra.

6.3.

Minn approċċ komprensiv, ir-rwol proattiv tal-konsumatur għandu jmur lil hinn mis-sempliċi parteċipazzjoni asimmetrika, li tillimitah għar-rwol ta’ attur urban li jirriċikla l-iskart domestiku u għandu jingħata s-setgħa biex jipparteċipa fiċ-ċirkolarità kollha tal-proċess.

6.4.

L-aħbar it-tajba hija li għandna disponibbli għodod rilevanti għall-ekonomija ċirkolari, permezz tas-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-miri assoċjati tagħhom, flimkien mal-protokolli vinkolanti tal-COP 21 (21) għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, li jipprovdulna qafas universali b’potenzjal enormi.

6.5.

Il-KESE jenfasizza li t-tranżizzjoni tkun aktar effiċjenti u adattata aħjar għall-SDG 12 (konsum u produzzjoni responsabbli) jekk jiġi konness aħjar l-ispazju bejn il-provvista u d-domanda u b’hekk l-ekonomija ċirkolari tiġi ankrata fir-reġjun.

7.   Il-proposti tal-KESE biex il-konsumaturi jingħataw rwol akbar fil-mudelli tal-ekonomija ċirkolari

7.1.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni sostenibbli fil-qafas tal-Orizzont Ewropa: se tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni bilanċjata tal-atturi kollha, b’mod partikolari, tal-konsumaturi u/jew tar-rappreżentanti tagħhom.

7.2.

L-ekodisinn u l-ekoinnovazzjoni: mill-perspettiva ta’ koresponsabbiltà ambjentali, il-parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi se tissaħħaħ permezz ta’ prattiki ta’ ħolqien ta’ valur komuni, li jistgħu jiġu akkreditati permezz ta’ tikketti ta’ kwalità regolati uffiċjalment.

7.3.

Il-konsumaturi se jitħeġġu jipparteċipaw fl-ippjanar tal-politiki ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva, billi jieħdu sehem fi spazju virtwali (sandbox) għall-prodotti u servizzi pilota sabiex tiġi żgurata l-validazzjoni konġunta ex ante.

7.4.

Se jinġabru prattiki ċirkolari tajbin, li jagħtu wkoll vuċi lill-konsumaturi. Dawk b’effett multiplikatur ikbar se jkunu mxerrda bil-kbir.

7.5.

Il-promozzjoni tat-tikkettar fakultattiv b’informazzjoni dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-użu effiċjenti tar-riżorsi jew li jiġi evitat l-użu ta’ komponenti b’impatt ambjentali għoli, bil-għan li jiġi estiż l-użu tiegħu sakemm jiġi obbligatorju. Għandha tiġi stabbilita tikketta li tagħti stima tat-tul tal-ħajja tal-prodott, marbuta mal-possibilità li jinkisbu parts tal-bdil u għażliet ta’ tiswija. Se titħeġġeġ l-estensjoni tal-perjodi ta’ garanzija tal-prodott, permezz tar-rikonoxximenti uffiċjali, it-tassazzjoni u l-akkwist pubbliku, u filwaqt li tiġi kkunsidrata l-pressjoni mill-konsumaturi.

7.6.

Fil-kuntest tal-Patt il-Ġdid għall-Konsumaturi, se jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ rimedju għall-konsumaturi li jkunu xtraw beni u prodotti li kienu soġġetti għal prattiki ta’ obsolexxenza prematura.

7.7.

Se jsir monitoraġġ tal-użu ta’ materjali b’ħajja qasira ħafna (eż. plastik li jintuża darba biss) (22) u l-imballaġġ tal-prodotti (23). Se jissaħħu wkoll il-kontrolli fuq is-sustanzi kimiċi billi tiġi pprovduta perspettiva komprensiva, sabiex jiġu evitati prattiki ta’ riċiklaġġ kontroproduttivi.

7.8.

Informazzjoni għall-konsumaturi dwar l-impronta ambjentali li tkun aċċessibbli, leġibbli u veraċi. Il-prattiki ħżiena fejn isiru dikjarazzjonijiet mingħajr biżżejjed evidenza empirika se jiġu monitorjati u, fejn xieraq, jiġu pubblikati.

7.9.

Kampanji ta’ informazzjoni għall-konsumaturi – b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ – relatati ma’ mudelli ekonomiċi sostenibbli ta’ produzzjoni u ta’ konsum, li jinkorporaw diversi strateġiji abbażi tal-kunċett “nudge” u li jqisu fatturi kulturali u idjosinkratiċi (24).

7.10.

Offerta edukattiva (mingħajr interruzzjoni, sa mill-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal) li, b’mod trasversali, tagħmel użu minn metodoloġija taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott (manifattura ta’ parts, modularità, durabbiltà, tiswija, użu mill-ġdid u effiċjenza fl-enerġija), b’komponent prattiku sinifikanti.

7.11.

It-tkabbir tas-sorsi tal-impjiegi assoċjati mal-użu mill-ġdid, it-tiswija u r-riċiklaġġ b’livell għoli ta’ valur miżjud (upcycling), fil-qafas tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali (25).

7.12.

Li jiġi żgurat li l-awtoritajiet rilevanti, fil-livelli ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, jipprovdu infrastruttura u mezzi suffiċjenti għall-ġbir separat kull fejn jiġi ġġenerat l-iskart.

7.13.

Rikonoxximent tal-muniċipalitajiet, tal-iskejjel, tal-universitajiet u ta’ istituzzjonijiet oħra li jinkorporaw protokolli għall-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’azzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari permezz ta’ mudelli minn isfel għal fuq.

7.14.

L-iżvilupp u l-estensjoni tal-esperjenza fil-qasam ta’ mudelli ekonomiċi ġodda, preferibbilment b’rabta mal-ekonomija kollaborattiva u l-ekonomija funzjonali fi ħdan żona territorjali speċifika, permezz ta’ denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, billi ssir referenza għal “muniċipalitajiet ċirkolari”.

7.15.

It-tisħiħ tar-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi fl-ekonomija ċirkolari permezz ta’ assistenza teknika u riżorsi ad hoc.

7.16.

Il-pubblikazzjoni u t-tixrid tal-aħjar prattiki tan-negozji fl-ekonomija ċirkolari, taħt l-iskrutinju tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur.

7.17.

Il-promozzjoni ta’ netwerks ta’ konsum lokali, il-prosum u l-prattiki DIY (do it yourself).

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  https://www.undp.org/content/undp/en/home/sustainable-development-goals/goal-12-responsible-consumption-and-production.html

(2)  L-ekonomija ċirkolari kienet l-enfasi ewlenija tad-diskussjonijiet dwar il-konvenzjonijiet tal-ILO matul il-Forum tas-Soċjetà Ċivili f’Seoul, f’April 2018, dwar il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Korea t’Isfel.

(3)  Il-linji gwida tal-ILO dwar tranżizzjoni ġusta għal ekonomiji u soċjetajiet ambjentalment sostenibbli għal kulħadd.

(4)  -Il-Bord tal-Ekotikkettar tal-UE, b’konformità mal-metodoloġija taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott, bħalissa qed jintegra kriterji u indikaturi ċirkulari ġodda, relatati mal-użu u d-disponibbiltà tal-prodotti.

(5)  Ara l-Opinjoni tal-KESE “Sibiu u lil hinn”, ĠU C 228, 5.7.2019, p. 37

(6)  Ewrobarometru speċjali ta’ Settembru – Ottubru 2017: għal 94 % tal-Ewropej il-ħarsien tal-ambjent huwa importanti ħafna jew pjuttost importanti, fejn l-ammont dejjem akbar ta’ skart huwa punt ta’ tħassib ewlieni għalihom. U 87 % jemmnu li jista’ jkollhom rwol importanti ħafna jew pjuttost importanti.

(7)  Ara ĠU C 230,14.7.2015, p. 99; ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98; ĠU C 389, 21.10.2016, p. 80; ĠU C 345, 13.10.2017, p. 102; ĠU C 283, 10.8.2018, p. 61; u ĠU C 367, 10.10.2018, p. 97

(8)  ĠU C 88, 21.3.2017, p. 83

(9)  COM(2015) 614 final.

(10)  Ara d-Direttivi 2014/23/UE23/, 2014/24/UE u 2014/25/UE

(11)  L-akkwist pubbliku Ewropew jammonta għal madwar 15 % tal-PDG.

(12)  COM(2018) 353 final, adottata mill-koleġislaturi f’Marzu 2019.

(13)  F’Marzu 2019, il-koleġislaturi adottaw it-tassonomija tal-attivitajiet sostenibbli.

(14)  Il-ftehim diżappuntanti tal-Kumitat IMCO tal-Parlament Ewropew dwar il-prodotti difettużi (Frar 2018) ġie segwit bi ftehim pożittiv: protezzjoni aħjar tax-xiri onlajn, kif ukoll ir-rieda li jiġu imposti sanzjonijiet biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kwalità doppja tal-ikel (April 2018).

(15)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 66

(16)  https://circulareconomy.europa.eu/platform/

(17)  http://ec.europa.eu/environment/industry/retail/about.htm

(18)  https://webgate.ec.europa.eu/flwp/

(19)  Il-proġett H2020 “PROMPT”qed jipprova sistema tat-ittestjar tal-obsolexxenza prematura u ser jagħmel suġġerimenti għat-titjib tal-ħajja operattiva tal-prodott, inkluża t-tiswija. Il-konsorzju jinkludi organizzazzjonijiet tal-konsumatur bħall-ANEC/BEUC/ICRT u Test Achats, UFC Que Choisir, OCU, Stiftung Warentest, Consumentenbond, kif ukoll istituti ta’ riċerka (TU Delft; Fraunhofer IZM) u organizzazzjonijiet ta’ tiswija (RUSZ, Ifixit).

(20)  Opinjoni tal-KESE “Nisimgħu liċ-ċittadini tal-Ewropa għal futur sostenibbli (Sibiu u lil hinn)”ĠU C 228, 5.7.2019, p. 37

(21)  https://unfccc.int/process-and-meetings/the-paris-agreement/d2hhdC1pcy

(22)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 207

(23)  Dan spiss ikun eċċessiv u inadegwat minħabba li jkun influwenzat minn strateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni.

(24)  Pereżempju, fin-Nofsinhar tal-Ewropa, id-“doggy bag” mhux ikkunsidrat b’mod favorevoli.

(25)  Ara r-rapport finali ICT for Work: Digital Skills in the Workplace. (“L-ICT għax-xogħol: Il-ħiliet diġitali fuq il-post tax-xogħol”).


18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/17


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tassazzjoni fl-ekonomija diġitalizzata”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 353/04)

Relatur: Krister ANDERSSON

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

15.2.2018

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

2.7.2019

Adottata fil-plenarja

17.7.2019

Sessjoni plenarja Nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

167/7/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija bħala opportunità kbira, u l-Aġenda Diġitali tal-UE bħala politika ewlenija għall-Unjoni Ewropea. Peress li d-diġitalizzazzjoni għadha xprun importanti għat-tkabbir ekonomiku globali, il-KESE jemmen li l-politiki relatati mat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitalizzata għandhom ifittxu li jippromovu, u mhux ixekklu, it-tkabbir ekonomiku u l-kummerċ u l-investiment transkonfinali.

1.2.

Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li s-sistemi tat-taxxa jqisu mudelli kummerċjali ġodda. Il-prinċipji ta’ sistema tat-taxxa ġusta – il-konsistenza, il-prevedibbiltà u n-newtralità – għadhom rilevanti daqs qabel għall-awtoritajiet pubbliċi, għan-negozji u għall-konsumaturi.

1.3.

Il-Kumitat għalhekk jikkondividi l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tipprevjeni l-imġiba ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa min-negozji u n-nuqqas ta’ trasparenza mill-Istati Membri biex jiġi żgurat trattament ugwali tal-intrapriżi u biex tiġi promossa l-kompetittività Ewropea.

1.4.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li, fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, kwalunkwe bidla fir-regoli għall-allokazzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni fuq il-profitti fost il-pajjiżi għandha tkun ikkoordinata fuq livell globali, sabiex jiġu sfruttati aħjar il-benefiċċji tal-globalizzazzjoni, b’governanza globali u regoli globali adatti. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-OECD/G20 biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ soluzzjoni internazzjonali, li se tillimita r-riskju ta’ tassazzjoni doppja internazzjonali. Madankollu, jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni internazzjonali, l-UE trid tikkunsidra li tipproċedi waħedha.

1.5.

Il-KESE jixtieq jissuġġerixxi li l-Istati Membri li jistabbilixxu sistemi nazzjonali speċifiċi għandhom ifittxu bir-reqqa l-aktar soluzzjonijiet effiċjenti sabiex jiġu evitati kumplikazzjonijiet u spejjeż supplimentari kemm għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa kif ukoll għall-kumpaniji.

1.6.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu bir-reqqa l-possibbiltajiet kollha biex jeliminaw kwalunkwe tassazzjoni insuffiċjenti tas-servizzi diġitali, irrispettivament mill-post li fih tkun tinsab il-kumpanija, għal dak il-bejgħ li jasal fi Stat Membru. Is-servizzi pprovduti permezz tal-pjattaformi użati mill-konsumaturi Ewropej għandhom jiġu inkorporati b’mod sħiħ fis-sistema tal-VAT, bħala komponent essenzjali fl-indirizzar tal-kwistjoni tat-taxxa. Għandu jiġi nnutat li l-konsumaturi ta’ komunikazzjonijiet diġitali, eż. Facebook eċċ, jaċċessaw dawn is-servizzi mingħajr ebda ħlas apparenti, li jqajjem il-kwistjoni dwar kif tista’ tiġi applikata b’mod raġonevoli l-VAT.

1.7.

Il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni ssuġġerit għall-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK), bit-tliet fatturi tagħha, jista’ jintuża u jiġi applikat, fl-ewwel stadju, għall-allokazzjoni tal-profitt residwu, jekk dan ikun il-metodu li jkun ġie miftiehem mill-OECD. Il-KESE jappoġġja tali approċċ.

1.8.

Madankollu, il-KESE jemmen li r-riżorsi li jintefqu fuq ir-riċerka u l-iżvilupp huma importanti biex jiġu żviluppati l-assi intanġibbli u li l-pajjiż li fih iseħħu tali attivitajiet għandu jiġi remunerat għal dan. Il-KESE għalhekk jissuġġerixxi li tintuża formula li tikkonsisti minn erba’ fatturi għall-allokazzjoni tal-profitt residwu, minflok it-tliet fatturi inklużi fil-formula tal-BKKTK. Il-KESE jirrikonoxxi bis-sħiħ il-kumplessità tal-kalkolu tad-drittijiet tat-tassazzjoni internazzjonali. Fl-istess ħin hija meħtieġa allokazzjoni aċċettabbli u ġusta tad-drittijiet tat-tassazzjoni fost il-pajjiżi.

1.9.

Sakemm ir-riallokazzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni internazzjonali ma tkunx tista’ tintlaħaq fil-qafas eżistenti tal-ipprezzar ta’ trasferiment, il-KESE huwa favur li l-profitti residwi mill-assi intanġibbli tas-suq jiġu allokati bl-użu ta’ formula ta’ erba’ fatturi.

1.10.

Minħabba d-daqs dejjem akbar tas-swieq barra mill-Ewropa, b’mod partikolari f’pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil, l-allokazzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni fuq il-bażi għat-taxxa korporattiva kollha, jew saħansitra fuq il-profitt residwu kollu, tirriżulta f’telf tad-dħul sostanzjali f’bosta Stati Membri u tista’ tirriżulta f’diffikultajiet biex jintlaħqu l-objettivi soċjali fil-pajjiżi Ewropej.

1.11.

Il-KESE jqis li hemm bżonn li jinstab bilanċ raġonevoli bejn ir-riallokazzjoni tat-taxxi fuq il-profitt korporattiv fost il-pajjiżi li huma esportaturi netti u l-pajjiżi li huma importaturi netti, sabiex ma tiġix ipperikolata l-possibbiltà li l-pajjiżi jilħqu l-objettivi soċjali u ambjentali tagħhom.

1.12.

Il-bidliet miftiehma għar-regoli internazzjonali għall-allokazzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni fost il-pajjiżi għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-Istati Membri kollha u għas-Suq Uniku.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Is-sistemi tat-taxxa korporattiva attwali fid-dinja u l-isforz tal-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt (BEPS) huma msejsa fuq il-valutazzjoni tal-profitt korporattiv fejn l-attivitajiet ekonomiċi jiġġeneraw il-profitt u fejn jinħoloq il-valur. Madankollu, id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomiji qajmet il-kwistjoni ta’ fejn jinħolqu l-profitti u kif dawn jitqassmu. Is-servizzi diġitali, f’termini ġenerali, jistgħu jiġu fornuti mill-bogħod, mingħajr l-ebda preżenza fiżika fil-post fejn isir il-konsum.

2.2.

B’riżultat tal-proġett tal-BEPS, is-sistema tat-taxxa internazzjonali diġà għaddejja minn trasformazzjoni ewlenija li tirriżulta f’bosta bidliet fit-tassazzjoni tal-kumpaniji (1). Il-proġett tal-BEPS inbeda biex jindirizza l-attivitajiet relatati mal-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt, u mhux biex jibdel l-istandards internazzjonali eżistenti dwar l-allokazzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni fuq l-introjtu transkonfinali fost il-pajjiżi (2).

2.3.

L-Azzjoni 1 tal-BEPS indirizzat l-isfidi tal-Ekonomija Diġitali (3). Peress li ma ntlaħaq l-ebda kunsens dwar il-mod li bih għandhom jiġu ntaxxati dawn il-mudelli ta’ negozju ġodda, fl-2018 (4) dan ġie segwit minn rapport interim tal-Qafas Inklużiv tal-BEPS tal-OECD/G20. Dan ir-rapport jistabbilixxi d-direzzjoni miftiehma tax-xogħol tal-Qafas Inklużiv dwar id-diġitalizzazzjoni u r-regoli tat-taxxa internazzjonali sal-2020. Dan jiddeskrivi kif id-diġitalizzazzjoni qed taffettwa wkoll oqsma oħra tas-sistema tat-taxxa, billi tipprovdi lill-awtoritajiet tat-taxxa għodod ġodda li qed jissarfu f’titjib fis-servizzi tal-kontribwenti, filwaqt li qed ittejjeb l-effiċjenza tal-ġbir tat-taxxa u qed tidentifika l-evażjoni tat-taxxa.

2.4.

Fit-13 ta’ Frar 2019, l-OECD ħarġet Dokument ta’ Konsultazzjoni Pubblika “Addressing the Tax Challenges of the Digitalisation of the Economy” (Nindirizzaw l-Isfidi relatati mat-Taxxa tad-Diġitalizzazzjoni tal-Ekonomija) (5). Dan jiddeskrivi regoli riveduti dwar l-allokazzjoni tal-profitti u regoli nexus kif ukoll proposta globali kontra l-erożjoni tal-bażi.

2.5.

Rapport finali mill-Qafas Inklużiv/OECD huwa mistenni fl-2020. Madankollu, il-Ministri tal-finanzi tal-Istati Uniti u ta’ Franza sostnew li jixtiequ jaċċelleraw it-taħdidiet fl-OECD biex isibu soluzzjoni diġà matul l-2019 (6). L-Istati Uniti ressqu proposta li tiffoka fuq l-awtorizzazzjoni tal-ġurisdizzjonijiet tas-suq għad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq l-assi intanġibbli tal-kummerċjalizzazzjoni li jintużaw f’dik il-ġurisdizzjoni, anke meta l-investiment fl-iżvilupp ta’ dawk l-assi intanġibbli tal-kummerċjalizzazzjoni jsir f’pajjiż ieħor. Hemm ukoll proposta Ġermaniża-Franċiża għal rata minima tat-taxxa korporattiva. L-opinjoni tal-KESE tista’ titqies bħala li tipprovdi input fid-dibattitu li għaddej bħalissa.

2.6.

Fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea diġà kienet ħarġet rapport dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali (7). Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar it-Tassazzjoni tal-Ekonomija Diġitali kkonkluda li t-teknoloġija diġitali offriet opportunitajiet kbar lill-Ewropa. L-Ewropa tista’ ttejjeb il-prospetti tagħha għat-tkabbir u l-impjiegi jekk timplimenta s-Suq Uniku Diġitali u jekk tisfrutta l-potenzjal diġitali tas-Suq Uniku Ewropew. Il-Grupp ta’ Esperti ddiskuta b’mod estensiv il-prinċipji li għandhom jiggwidaw it-tassazzjoni internazzjonali.

2.7.

Dawn il-prinċipji huma importanti wkoll għal din l-Opinjoni. Il-Grupp ta’ Esperti kkonkluda li m’għandux ikun hemm reġim tat-taxxa speċjali għall-kumpaniji diġitali. Minflok, ir-regoli ġenerali għandhom jiġu applikati jew adattati sabiex il-kumpaniji “diġitali” jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-oħrajn.

2.8.

Bil-Komunikazzjoni tagħha intitolata Wasal iż-żmien li jiġi stabbilit standard modern, ġust u effiċjenti tat-tassazzjoni għall-ekonomija diġitali, ippubblikata fil-21 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett leġislattiv tagħha għal riforma armonizzata tar-regoli tat-taxxa korporattiva tal-UE għall-attivitajiet diġitali. Il-pakkett kien jinkludi żewġ Direttivi tal-Kunsill akkumpanjati minn rakkomandazzjoni tal-liġi mhux vinkolanti relatata mat-tassazzjoni korporattiva ta’ preżenza diġitali sinifikanti.

2.9.

Il-KESE ħareġ Opinjoni f’Lulju 2018 dwar il-proposti tal-Kummissjoni – It-tassazzjoni tal-profitti ta’ kumpaniji multinazzjonali fl-ekonomija diġitali (8). L-effetti negattivi tat-taxxi fuq il-fatturat kif ukoll il-ħtieġa għal kunsens internazzjonali ġew enfasizzati fl-Opinjoni tal-Kumitat.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jqis id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija bħala opportunità kbira, u l-Aġenda Diġitali tal-UE bħala politika ewlenija għall-Unjoni Ewropea. Peress li d-diġitalizzazzjoni għadha xprun importanti għat-tkabbir ekonomiku globali, il-KESE jemmen li l-politiki relatati mat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitalizzata għandhom ifittxu li jippromovu, u mhux ixekklu, it-tkabbir ekonomiku u l-kummerċ u l-investiment transkonfinali.

3.2.

L-Internet jippermetti lill-kumpaniji jikbru fi swieq globali differenti mingħajr preżenza fiżika sinifikanti, karatteristika li qed tgħin b’mod partikolari lin-negozji żgħar biex jesportaw f’livell bla preċedent. Ta’ spiss, id-diġitalizzazzjoni hija akkumpanjata mill-importanza dejjem akbar ta’ assi intanġibbli, bħall-proprjetà intellettwali u d-data.

3.3.

Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li s-sistemi tat-taxxa jqisu mudelli kummerċjali ġodda. Il-prinċipji ta’ sistema tat-taxxa ġusta – il-konsistenza, il-prevedibbiltà u n-newtralità – għadhom rilevanti daqs qabel għall-awtoritajiet pubbliċi, għan-negozji u għall-konsumaturi.

3.4.

Il-KESE jqis li l-kundizzjonijiet ekwi fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva huma importanti ħafna. Is-snin reċenti wrew li l-kumpaniji individwali setgħu jagħmlu użu minn regoli speċifiċi dwar it-taxxa fˆxi Stati Membri, u dan naqqas ir-rata tat-taxxa effettiva tagħhom għal kważi żero. In-nuqqas ta’ trasparenza kkontribwixxa għal dan l-eżitu. Xi wħud mill-każijiet involvew kumpaniji multinazzjonali attivi fil-qasam tas-servizzi diġitali.

3.5.

Il-Kumitat għalhekk jikkondividi l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tipprevjeni l-imġiba ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa min-negozji, dawk diġitalizzati kif ukoll dawk tradizzjonali (brick-and-mortar), u n-nuqqas ta’ trasparenza mill-Istati Membri biex jiġi żgurat trattament ugwali tal-intrapriżi u biex tiġi promossa l-kompetittività Ewropea.

3.6.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li kwalunkwe bidla fir-regoli għall-allokazzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni fuq il-profitti fost il-pajjiżi għandha ssir fuq livell globali, sabiex jiġu sfruttati aħjar il-benefiċċji tal-globalizzazzjoni, b’governanza globali u regoli globali adatti. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-OECD/G20 biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ soluzzjoni internazzjonali. Madankollu, jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni internazzjonali, l-UE trid tikkunsidra li tipproċedi waħedha.

3.7.

Il-KESE jixtieq jissuġġerixxi li l-Istati Membri li jistabbilixxu sistemi nazzjonali speċifiċi għandhom ifittxu bir-reqqa l-aktar soluzzjonijiet effiċjenti sabiex jiġu evitati kumplikazzjonijiet u spejjeż supplimentari kemm għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa kif ukoll għall-kumpaniji.

3.8.

Il-KESE jinnota li t-teknoloġiji diġitali għandhom ukoll il-potenzjal li jirrevoluzzjonaw il-konformità u jinvestigaw ix-xogħol. L-OECD, fir-rapport tagħha għall-2018 (9), turi kif id-diġitalizzazzjoni diġà kellha tliet effetti pożittivi fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa: it-titjib tal-effettività tal-konformità mar-regoli tat-taxxa, it-titjib tas-servizzi tal-kontribwenti u t-tnaqqis tal-piżijiet tal-konformità mar-regoli tat-taxxa.

3.9.

Ammonti akbar ta’ data minn partijiet terzi disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa jippermettu li jkun awtomizzat ammont akbar ta’ rapportar, filwaqt li dan iwassal biex iż-żewġ naħat jiffrankaw il-ħin u l-flus, u jistgħu jintużaw ukoll biex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ rapportar, l-evażjoni jew il-frodi. Is-softwer tar-reġistrazzjoni tad-data li ġie adottat minn diversi amministrazzjonijiet tat-taxxa li jirreġistra data dwar il-bejgħ fil-mument li ssir tranżazzjoni, u li tista’ tintbagħat direttament lill-awtoritajiet tat-taxxa, diġà żied b’mod sinifikanti d-dħul fuq il-valur miżjud tat-taxxa (VAT) ta’ xi pajjiżi.

3.10.

Fil-valutazzjoni tal-livell effettiv ta’ tassazzjoni tas-settur diġitali, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-bidliet fil-kodiċijiet tat-taxxa li jirriżultaw minħabba l-implimentazzjoni kontinwa tar-regoli tal-BEPS, peress li dan jista’ fil-fatt iwassal biex jiġi ntaxxat aktar dħul fl-UE.

4.   Hemm possibbiltà ta’ triq ’il quddiem?

4.1.

Mhux il-pajjiżi kollha fid-dinja għandhom Taxxa fuq il-Valur Miżjud. Madankollu, fl-UE, il-pajjiżi kollha għandhom dan. Fil-prinċipju, il-konsum kollu tas-servizzi u tal-oġġetti għandu jkun soġġett għal VAT, sakemm ma jiġix eskluż b’mod espliċitu mill-bażi tat-taxxa. Id-dħul mill-VAT jirrappreżenta riżorsi proprja fil-baġit tal-UE u l-KESE jqis li huwa importanti li jiġu inklużi s-servizzi diġitali fil-bażi tat-taxxa.

4.2.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu bir-reqqa l-possibbiltajiet kollha biex jeliminaw kwalunkwe tassazzjoni insuffiċjenti tas-servizzi diġitali, irrispettivament mill-post fejn tkun tinsab il-kumpanija, għal dak il-bejgħ li jasal fi Stat Membru. Is-servizzi pprovduti permezz ta’ pjattaformi li jintużaw minn klijenti Ewropej għandhom ikunu inkorporati bis-sħiħ fis-sistema tal-VAT. Għandu jiġi nnutat li l-konsumaturi ta’ komunikazzjonijiet diġitali, eż. Facebook eċċ, jaċċessaw dawn is-servizzi mingħajr ebda ħlas apparenti, li jqajjem il-kwistjoni dwar kif tista’ tiġi applikata b’mod raġonevoli l-VAT.

4.3.

Il-KESE jinnota li s-sistemi tat-taxxa korporattiva preżenti fid-dinja huma bbażati fuq l-ivvalutar tal-profitt korporattiv attribwibbli lil kull ġurisdizzjoni rilevanti. It-tassazzjoni għandha tkun ibbażata fuq fejn jinħoloq il-valur. Minħabba d-diffikultajiet biex ikun stabbilit f’liema punt tal-katina tal-valur jinkiseb il-profitt, hemm il-ħtieġa li jinstabu prinċipji universali dwar kif għandu jiġi vvalutat fejn jinħoloq il-valur. Dawn ir-regoli ġew żviluppati fil-ħidma komprensiva tal-OECD, il-formulazzjoni tal-priniċipji tat-taxxa u d-definizzjonijiet ta’ kif jiġu pprezzati oġġetti u servizzi (regoli tal-ipprezzar ta’ trasferiment) għal kumpaniji fi grupp kummerċjali.

4.4.

Il-KESE jemmen li r-regoli dwar it-taxxa internazzjonali jeħtieġ li jiġu riveduti minn żmien għal żmien hekk kif jevolvu l-mudelli kummerċjali. Ir-regoli attwali ġew riveduti reċentement f’konnessjoni mal-ftehim dwar l-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt (BEPS) (10). Attwalment, ir-regoli u d-definizzjonijiet il-ġodda qegħdin jiġu implimentati. Huma mistennija li jnaqqsu b’mod sostanzjali l-opportunità għall-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-erożjoni tal-bażijiet tat-taxxa.

4.5.

Profitt (jew telf) residwu jista’ jseħħ b’mod partikolari jekk l-assi intanġibbli tal-kummerċjalizzazzjoni jew tal-prodott jagħtu lok għal profitti mhux regolari. L-użu ta’ listi tal-klijenti jew ta’ data miġbura jista’ pereżempju jagħti lok għall-eżistenza ta’ profitt residwu. Il-kunċett mhuwa bl-ebda mod ġdid, u jista’ ma jintużax biss biex jitqassam il-profitt bejn il-partijiet relatati iżda anke biex jiġu allokati d-drittijiet tat-tassazzjoni fost il-pajjiżi. Madankollu, dan jirrikjedi xi ħsieb innovattiv u l-esplorazzjoni tal-possibbiltà li d-drittijiet tat-tassazzjoni jiġu allokati f’konformità mal-ħolqien tal-valur anke jekk ma jkun hemm l-ebda stabbiliment permanenti fiżiku fil-pajjiż ikkonċernat. Dan jagħmel parti mid-deliberazzjonijiet tal-OECD.

4.6.

Il-KESE jinnota li d-diskussjoni dwar it-tassazzjoni tal-hekk imsejħa kumpaniji diġitali mhijiex primarjament relatata mal-imġiba tal-erożjoni tal-bażi u tat-trasferiment tal-profitt tal-kumpaniji iżda hija relatata mal-allokazzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni fost il-pajjiżi.

4.7.

Profitt (jew telf) residwu jista’ jiġi deskritt bħala l-profitt (jew it-telf) li jiġi rreġistrat ladarba kull parti tkun ġiet remunerata għall-kontribuzzjonijiet regolari tagħha b’tali mod li jkun konformi mal-prinċipju tad-distakkament (11). Dan l-ewwel ikun jinvolvi valutazzjoni tas-suq xierqa fir-rigward tar-riskji li jkunu nħolqu, il-valur maħluq mill-fatturi tal-produzzjoni u l-funzjonijiet imwettqa.

4.8.

Il-bejgħ normalment ma jkunx fattur deċiżiv għall-allokazzjoni tal-profitti fir-rigward tal-kumpaniji involuti fi tranżazzjoni. Madankollu, jekk jintużaw ir-regoli internazzjonali eżistenti, li jallokaw il-profitt lil kull kumpanija abbażi tal-linji gwida tal-OECD dwar l-ipprezzar tat-trasferiment, il-profitt residwu jista’ mbagħad jiġi allokat lil pajjiżi fejn ikunu twettqu l-funzjonijiet. Tali funzjoni tista’ tkun il-“bejgħ”.

4.9.

Il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni ssuġġerit għall-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK), bit-tliet fatturi tagħha (12), jista’ jintuża u jiġi applikat għall-allokazzjoni tal-profitt residwu (13).

4.10.

Jista’ jiġi argumentat li r-riżorsi li jintefqu fuq ir-R&Ż huma importanti biex jiġu żviluppati l-assi intanġibbli u li l-pajjiż li fih iseħħu tali attivitajiet għandu jiġi remunerat għal dan (14). Dan jirrikjedi formula li tkun tikkonsisti minn erba’ fatturi pjuttost mit-tliet fatturi li ġew inklużi fil-formula tal-BKKTK.

4.11.

Sakemm ir-riallokazzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni internazzjonali ma tkunx tista’ tintlaħaq fil-qafas eżistenti tal-ipprezzar ta’ trasferiment, il-KESE huwa favur li l-profitti residwi mill-assi intanġibbli tas-suq jiġu allokati bl-użu ta’ formula ta’ erba’ fatturi.

4.12.

Jekk il-profitt residwu jkun ta’ 30 (minn profitt totali għall-Grupp ta’ 100) u jekk il-produzzjoni titqassam indaqs f’termini tal-ħolqien tal-valur fil-pajjiżi A u B, dawn il-pajjiżi mbagħad jimponu taxxa ta’ 35 kull wieħed (15). Peress li l-prodott jinbiegħ ukoll għal ammont indaqs fil-pajjiż C, il-profitt residwu jitqassam bejn A, B u C. Il-pajjiżi A u B jirċievu bażi tat-taxxa addizzjonali ta’ 13 3/4, filwaqt li C ikun intitolat li jintaxxa 2 1/2 (16).

4.13.

Il-KESE jirrikonoxxi bis-sħiħ il-kumplessità tal-kalkolu tad-drittijiet tat-tassazzjoni internazzjonali fost il-pajjiżi. Dan ikun jinvolvi kalkolu u ftehim bejn il-pajjiżi dwar id-daqs tal-profitt residwu. Dan ikun jinvolvi wkoll li jkun magħruf id-daqs ta’ kull wieħed mill-erba’ fatturi fil-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni. L-użu tal-formula modifikata tal-BKKTK jista’ jitqies bħala pass fid-direzzjoni biex tinkiseb l-aċċettazzjoni fir-rigward tal-BKKTK.

4.14.

Il-formula tal-BKKTK talloka drittijiet tat-tassazzjoni korporattiva lil pajjiżi fejn ma jsiru l-ebda innovazzjoni, produzzjoni jew riskju u funzjoni. Is-sempliċi fatt li l-bejgħ isir f’pajjiż, mingħajr l-ebda attività oħra f’dak il-pajjiż, imbagħad ikun jikkostitwixxi bażi taxxabbli. Dan jirrappreżenta bidla kbira mir-regoli eżistenti. Madankollu, bil-formula tal-BKKTK applikata biss għall-profitt residwu, u mhux għall-profitt kollu, jiġi rikonoxxut id-dritt leġittimu tal-pajjiżi li jesportaw biex iżommu parti mid-dritt tat-tassazzjoni. Il-valur li jinħoloq mill-intraprenditorija u mill-innovazzjoni seta’ wassal għal benefiċċji tat-taxxa fil-ħolqien tal-spejjeż relatati mar-R&Ż u ladarba l-kumpanija tibda tagħmel il-profitt, l-istess pajjiż jirċievi dħul mit-taxxa.

4.15.

Nirrakkomandaw li, jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim tal-OECD, il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida għandha tippreżenta proposta ġdida biex tintaxxa dawn il-kumpaniji fl-UE, abbażi ta’ data li diġà tkun fil-pussess tagħhom, pereżempju ħin ta’ reklamar totali matul il-ħin ta’ konnessjoni tal-konsumaturi, eċċ.

4.16.

Minħabba d-daqs dejjem akbar tas-swieq barra mill-Ewropa, b’mod partikolari f’pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil, l-allokazzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni fuq il-bażi għat-taxxa korporattiva kollha, jew saħansitra fuq il-profitt residwu kollu (17), tkun tirriżulta f’telf tad-dħul sostanzjali f’bosta Stati Membri u tista’ tirriżulta f’diffikultajiet biex jintlaħqu l-objettivi soċjali fil-pajjiżi Ewropej.

4.17.

Skont studju li twettaq minn Copenhagen Economics, il-pajjiżi li huma esportaturi netti jistgħu jitilfu dħul konsiderevoli mit-taxxa korporattiva jekk parti mill-profitt tiġi ntaxxata fejn jinbiegħu l-oġġetti u s-servizzi (18). Stima konservattiva tissuġġerixxi li bejn 18 u 21 % tal-bażi tat-taxxa korporattiva attwali fil-pajjiżi Nordiċi kienet ġejja mill-profitti residwi barranin fl-2017. Għall-Ġermanja, l-istima tas-sehem hija ta’ 17 %. Jekk jiġi introdott l-approċċ tal-assi intanġibbli tal-kummerċjalizzazzjoni, il-parti l-kbira tad-dħul mit-taxxa korporattiva tiġi allokata lil pajjiżi oħra.

4.18.

Il-KESE jqis li hemm bżonn li jinstab bilanċ raġonevoli bejn l-allokazzjoni mill-ġdid tat-taxxi korporattivi fost il-pajjiżi li huma esportaturi netti u l-pajjiżi li huma importaturi netti.

4.19.

Kieku l-kumpaniji Ewropej kellhom ikunu ntaxxati primarjament fuq il-post fejn ibigħu l-prodotti tagħhom, dawn ikunu jistgħu wkoll jistrutturaw l-attivitajiet ta’ negozju tagħhom b’tali mod li l-ispejjeż isiru fl-istess pajjiż bħall-bejgħ. Dan il-proċess jista’ jirriżulta f’bidla fl-investimenti u fl-impjiegi fir-rigward ta’ pajjiżi konsumaturi kbar bħaċ-Ċina u l-Indja, filwaqt li jwassal għal aktar telf tad-dħul fl-Istati Membri. Tali żvilupp għandu jiġi evitat billi tiġi żgurata l-kompetittività Ewropea.

4.20.

Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li jkun hemm ftehim globali u li jiġu implimentati kwalunkwe reġim ġdid jew regola ġdida dwar kif għandhom jiġu allokati d-drittijiet tat-tassazzjoni fost il-pajjiżi. In-nuqqas ta’ dawn il-kundizzjonijiet jirriżulta f’tassazzjoni doppja u għalhekk fi tnaqqis ta’ investimenti u ta’ impjiegi.

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  OECD. Rapporti Finali tal-BEPS 2015

(2)  Skont il-Kummissjoni, fl-UE, it-trasferiment tal-profitt korporattiv u l-erożjoni tal-bażi mill-kumpaniji jammontaw għal EUR 50-70 biljun, ekwivalenti għal inqas minn 0,4 % tal-PDG tal-UE. SWD(2018) 81 final.

(3)  OECD. “Addressing the Tax Challenges of the Digital Economy” (Nindirizzaw l-Isfidi tat-Taxxa tal-Ekonomija Diġitali) tal-BEPS, Azzjoni 1: Riżultat tal-2014.

(4)  OECD. “Tax Challenges Arising from Digitalisation: Interim Report 2018” (L-Isfidi tat-Taxxa li Ġejjin mid-Diġitalizzazzjoni: Rapport Interim 2018) – Qafas Inklużiv tal-BEPs, il-Proġett BEPS tal-OECD/G20 (Pubblikazzjoni tal-OECD fis-16 ta’ Marzu 2018); OECD.

(5)  Dokument ta’ Konsultazzjoni Pubblika “Addressing the Tax Challenges of the Digitalisation of the Economy” (Nindirizzaw l-Isfidi relatati mat-Taxxa tad-Diġitalizzazzjoni tal-Ekonomija), OECD.

(6)  “US and France accelerate plans to make global tech groups pay tax. Finance ministers agree on need for international minimum corporation tax level” (L-Istati Uniti u Franza jaċċelleraw il-pjani biex jimponu ħlas tat-taxxa fuq gruppi teknoloġiċi globali. Il-Ministri tal-finanzi jaqblu dwar il-ħtieġa għal livell minimu internazzjonali ta’ taxxa korporattiva), Financial Times, it-28 ta’ Frar 2019.

(7)  Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni dwar it-Tassazzjoni tal-Ekonomija Diġitali, 28/05/2014. Il-grupp kien ippresedut minn Vítor Gaspar, eks Ministru tal-finanzi tal-Portugall, u laqqa’ flimkien sitt esperti minn madwar l-Ewropa bi sfondi u għarfien espert differenti rilevanti għas-suġġett.

(8)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar It-tassazzjoni tal-profitti ta’ kumpaniji multinazzjonali fl-ekonomija diġitali, ĠU C 367, 10.10.2018, p. 73.

(9)  Tax Challenges Arising from Digitalisation – Interim Report 2018 (Sfidi fiskali li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni – Rapport Interim 2018).

(10)  OECD 2015.

(11)  Għad-definizzjoni, jekk jogħġbok ara L-ipprezzar ta’ trasferiment fil-kuntest tal-UE

(12)  Id-Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva(COM(2016) 0685 final – C8-0472/2016 – 2016/0337(CNS)). L-għażla tat-tliet fatturi tirriżulta mill-ħtieġa li jiġu riflessi kemm l-istat tal-produzzjoni (in-naħa tal-provvista, imkejla skont l-assi u/jew il-paga tal-ħaddiema) u l-istat tad-domanda (il-bejgħ għad-destinazzjoni) biex tiġi deskritta l-attività ekonomika kif xieraq. Il-bejgħ jiġi ponderat bi 33 %, il-paga bi 17 %, l-għadd tal-impjegati bi 17 %, u l-assi bi 33 %. Is-somma tal-piżijiet hija ugwali għal wieħed sabiex b’hekk 100 % tal-BKKTK titqassam bejn l-Istati Membri. Imbagħad l-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-rati nazzjonali tat-taxxa korporattiva għall-ishma rispettivi tagħhom tal-bażijiet taxxabbli. SWD(2016) 341 final

(13)  Jista’ jiġi nnutat li n-negozji b’għanijiet soċjali, bħal ċerti kooperattivi konnessi mal-komunità lokali, iqassmu l-valur li jinħoloq b’mod aktar dirett u li l-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni għalhekk jista’ ma jkunx direttament applikabbli għalihom.

(14)  Jekk il-pajjiżi li jipprovdu infrastruttura tajba u firxa wiesgħa ta’ inċentivi marbuta mar-R&Ż ma jiksbux is-sehem ġust tagħhom tad-dħul mit-taxxa korporattiva, l-inċentivi tagħhom biex jipprovdu ambjent tal-investiment favorevoli jitnaqqsu jew saħansitra jiġu eliminati għalkollox.

(15)  Il-profitt “normali” jkun ta’ 70.

(16)  Wara r-remunerazzjoni tal-ipprezzar abbażi tal-prinċipju tad-distakkament, il-profitt li jifdal ikun ta’ 30. Wara li jiżdied fattur (R) tar-riċerka u l-iżvilupp mal-fattur tal-proposta tal-fattur tal-BKKTK, il-fatturi fil-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni jkunu l-kapital (K), ix-xogħol (L), il-bejgħ (S)), u R. ikollhom piżijiet ugwali (1/4 kull wieħed). Bi tliet pajjiżi, għandhom jitqiesu tnax-il komponent. Madankollu, il-pajjiż C għandu biss komponent wieħed, il-bejgħ. Il-ħdax-il komponent li jifdal jitqassmu indaqs bejn A u B, jiġifieri 5 1/2 kull wieħed (5,5/12 * 30) = 13 3/4. Il-bażi tat-taxxa għall-pajjiż C hija (1/12*30) = 2 1/2. Għall-pajjiżi A u B, il-bażi tat-taxxa addizzjonali ta’ 13 3/4 hija magħmula minn 3 3/4 għal K, 3 3/4 għal L u 3 3/4 għal R (total ta’ 7 1/2 għal K, 7 1/2 għal L u 7 1/2 għal R), u 2 1/2 kull wieħed għal S. It-total allokat għal S huwa wkoll 7 1/2.

(17)  Kieku l-bażi tat-taxxa kollha kellha tkun ibbażata biss fuq il-bejgħ, il-pajjiż C fl-eżempju t’hawn fuq jiġi allokat bażi tat-taxxa ta’ 25. Jekk il-profitt residwu biss jiġi allokat abbażi tal-komponent tal-bejgħ, il-bażi tat-taxxa ekwivalenti għall-pajjiż C tkun ta’ 7,5.

(18)  Future Taxation of Company profits – What to do with Intangibles? (It-tassazzjoni futura tal-profitti tal-kumpaniji – X’għandu jsir bl-assi intanġibbli?) ta’ Sigurd Næss-Schmidt, Palle Sørensen, Benjamin Barner Christiansen, Vincenzo Zurzolo, Charlotta Zienau, Jonas Juul Henriksen u Joshua Brown, Copenhagen Economics, 19 ta’ Frar 2019.


18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/23


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn ekonomija Ewropea aktar reżiljenti u sostenibbli”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 353/05)

Relatur: Javier DOZ ORRIT

Data tad-deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.1.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

2.7.2019

Adottata fil-plenarja

17.7.2019

Sessjoni plenarja nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

169/4/6

Preambolu

Din l-Opinjoni hija parti minn pakkett ta’ żewġ Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja tal-KESE li tfasslu fl-istess ħin: Lejn ekonomija Ewropea aktar reżiljenti u sostenibbli u Viżjoni ġdida għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-pakkett huwa maħsub bħala kontribut dirett għall-aġenda ekonomika tal-Parlament Ewropew il-ġdid u tal-Kummissjoni Ewropea li ser tieħu l-kariga fl-2019. Hemm ħtieġa ċara għal strateġija ekonomika Ewropea ġdida: narrattiva pożittiva għall-iżvilupp futur tal-ekonomija tal-UE fid-dinja usa’ li tgħin biex tiżdied ir-reżiljenza tal-UE għall-iskossi ekonomiċi u s-sostenibbiltà – ekonomika, soċjali u ambjentali – tal-mudell ekonomiku tagħha, biex b’hekk iġġib lura l-kunfidenza, l-istabbiltà u l-prosperità kondiviża għall-Ewropej kollha. Filwaqt li tibni fuq il-progress miksub f’dawn l-aħħar snin, din l-istrateġija tista’ twitti t-triq għal aktar integrazzjoni ekonomika, fiskali, finanzjarja, soċjali u politika li hija meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-integrazzjoni Ewropea tinsab f’salib it-toroq. Waħda mit-tagħlimiet li nkisbet mill-kriżi ekonomika dejjiema reċenti u l-effetti soċjali profondi li din ħalliet f’diversi Stati Membri hija li n-nuqqas ta’ konverġenza ekonomika u soċjali fost l-Istati Membri u r-reġjuni huwa ta’ theddida għas-sostenibbiltà politika tal-proġett Ewropew u l-benefiċċji kollha li dan ġab għaċ-ċittadini Ewropej.

1.2.

Minħabba t-tibdil fil-klima antropoġeniku u t-trasgressjoni ta’ diversi konfini planetarji, il-mudell tagħna ta’ produzzjoni u ta’ konsum jeħtieġ li jiġi ristrutturat. F’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi tal-COP 21 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, l-UE stabbilixxiet l-għan li sal-2050 ikollha ekonomija newtrali għall-klima. Sabiex dan jiġi ġestit, ser ikun meħtieġ qafas ta’ politika komprensiv u konsistenti.

1.3.

L-iżvilupp ta’ reżiljenza ekonomika u dik tas-suq tax-xogħol flimkien mas-sostenibbiltà ekonomika, soċjali, ambjentali u istituzzjonali għandhom ikunu l-politiki prinċipali ta’ gwida li se jrawmu konverġenza ’l fuq u ġustizzja fit-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima – jiġifieri ekonomija li fiha jkun hemm bilanċ bejn l-emissjonijiet u l-assorbiment tal-gassijiet serra – filwaqt li jiġu mmaniġġjati l-isfidi li jġibu magħhom id-diġitalizzazzjoni u t-tibdil demografiku.

1.4.

Sabiex ikunu permessi politiki ekonomiċi li jżidu r-reżiljenza ekonomika, tas-suq tax-xogħol u soċjali, il-mixja lejn it-tisħiħ tal-arkitettura istituzzjonali tal-UEM għandha tinżamm aġġornata u msaħħa. L-istabbiliment ta’ kapaċità fiskali fil-livell taż-żona tal-euro, ir-riforma tar-regoli fiskali attwali sabiex jiġi ppreservat l-investiment pubbliku waqt it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, għandhom jissoktaw l-istabbiliment ta’ assi sikuri komuni u l-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja u tas-Swieq Kapitali, anke jekk biss f’passi inkrimentali. Barra minn hekk, għandhom jiġu promossi miżuri sabiex tiġi evitata kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa fost l-Istati Membri.

1.5.

Sabiex jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet soċjali u b’hekk tiżdied ir-reżiljenza, għandhom jiġu adottati miżuri Ewropej u nazzjonali effettivi sabiex titreġġa’ lura t-tendenza attwali lejn inugwaljanza dejjem tikber kemm f’termini ta’ opportunitajiet kif ukoll ta’ eżiti.

1.6.

Il-kunċett ta’ tranżizzjoni ġusta għandu jiġi żviluppat u applikat meta jsiru sforzi biex jintlaħaq l-għan ta’ ekonomija tal-UE newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. Dan jinkludi l-iżgurar li l-effetti tal-politiki dwar il-klima jiġu kondiviżi b’mod ugwali u jiġu ġestiti t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol b’mod li jħares ’il quddiem bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-imsieħba soċjali. Ekonomija sostenibbli għandha tintegra t-tliet dimensjonijiet kollha tas-sostenibbiltà: ekonomika, soċjali u ambjentali.

1.7.

L-Istati Membri għandhom jieħdu inizjattivi biex jimplimentaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali billi jieħdu inizjattivi leġislattivi fil-livell nazzjonali u jiżguraw finanzjament xieraq. L-UE għandha tikkontribwixxi għal dan l-isforz finanzjarju skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss 2021-2027.

1.8.

It-tisħiħ tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, jiġifieri l-kapaċità tagħha li żżid il-produttività u l-livell ta’ għajxien tagħha b’mod sostenibbli filwaqt li fl-istess ħin issir newtrali għall-klima, mhux l-inqas permezz tar-riċerka, l-iżvilupp kif ukoll aktar ħiliet u ħiliet aħjar għall-forza tax-xogħol, għandu jimxi id f’id ma’ dawn l-inizjattivi.

1.9.

Il-ftehim dwar id-daqs u l-forma tal-QFP li jmiss għandu jirrifletti l-imperattivi li tiġi żviluppata reżiljenza u ekonomija sostenibbli.

1.10.

Minħabba l-interkonnessjoni bejn l-aspetti differenti ta’ ekonomija reżiljenti u sostenibbli, il-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili fit-tfassil ta’ politika u fiċ-ċikli ta’ implimentazzjoni għandha titpoġġa fuq bażi formali u tissaħħaħ fejn meħtieġ fil-livelli nazzjonali u Ewropej.

1.11.

Permezz tas-Semestru Ewropew, il-QFP 2021-2027 u strumenti leġislattivi u tal-gvern oħra, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programm ta’ azzjoni koerenti biex jippromovu u jsaħħu l-fatturi ewlenin li jippromovu reżiljenza ekonomika fl-UE kollha u l-konverġenza tal-Istati Membri b’rabta ma’ dawn il-fatturi.

2.   Lejn ekonomija Ewropea aktar reżiljenti u sostenibbli

2.1.

L-iżvilupp ta’ reżiljenza akbar għall-iskossi (ekonomiċi) huwa għan li kien qed jissaħħaħ fid-dibattiti ta’ politika (ekonomika) fl-UE u b’mod partikolari fiż-żona tal-euro. Dan kien dovut mhux l-inqas minħabba l-ħsara ekonomika, soċjali u politika dejjiema li l-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji reċenti ħallew f’diversi Stati Membri tal-UE iżda wkoll minħabba l-antiċipazzjoni ta’ effetti li jxekklu ferm l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej, li huma mistennija jiġu ġġenerati mir-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali, u l-ħtieġa imperattiva li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u li nibqgħu fil-limiti tal-konfini planetarji.

2.1.1.

Fil-kuntest ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), id-definizzjoni ta’ reżiljenza ekonomika proposta mill-Kummissjoni Ewropea hija l-kapaċità ta’ pajjiż li jirreżisti għal skoss u jirkupra malajr għall-potenzjal [tat-tkabbir] tiegħu wara li jidħol f’riċessjoni (1).

2.1.2.

Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti u l-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Approfondiment tal-UEM jiddikjaraw li ż-żona tal-euro tal-Istati Membri għandha tikkonverġi lejn strutturi ekonomiċi u soċjali aktar reżiljenti, li għandhom “jipprevjenu l-iskossi ekonomiċi li għandhom effetti sinifikanti u persistenti fuq il-livelli ta’ introjtu u ta’ impjieg”, sabiex huma jkunu jistgħu jnaqqsu ċ-ċaqliq ekonomiku, b’mod partikolari reċessjonijiet profondi u estiżi.

2.1.3.

Madankollu, għandu jiġi nnotat li filwaqt li l-irkupru reżiljenti ta’ ekonomija jfisser l-evitar jew it-trattament b’mod effettiv tal-effetti dannużi dejjiema ta’ skoss, fid-dawl kemm tan-natura ċiklika kif ukoll dik strutturali tal-bidliet, l-ekonomiji mhux dejjem ikollhom bżonn jirritornaw għall-istat ta’ qabel l-iskoss (jew il-perkors tat-tkabbir). Pereżempju, il-bidu tar-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali u t-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima għandhom bla dubju jwasslu għal mudelli ekonomiċi differenti. Huwa importanti li l-istituzzjonijiet politiċi u l-atturi soċjali jkunu lesti li jaġixxu fuq il-bidliet, jantiċipaw il-konsegwenzi tagħhom u jidderieġu l-proċessi ta’ trasformazzjoni.

2.1.4.

L-ekonomiji ekonomikament reżiljenti jista’ jkollhom karatteristiċi differenti. Huma jista’ jkollhom livell baxx ta’ vulnerabbiltà għal ċerti tipi ta’ skossi (pereżempju skossi makroekonomiċi jew finanzjarji). Kull meta jintlaqtu tassew mill-iskossi, l-ekonomiji reżiljenti jistgħu jtaffu l-impatt tagħhom billi jnaqqsu l-effetti tagħhom fuq il-livelli ta’ produzzjoni u ta’ impjieg u/jew jistgħu jirkupraw malajr minnhom billi jadattaw ruħhom. Biex tissaħħaħ ir-reżiljenza jistgħu jintużaw tipi differenti ta’ interventi ta’ politika, u kombinazzjonijiet differenti tagħhom: jiġifieri, il-politiki ta’ tħejjija, ta’ prevenzjoni, ta’ protezzjoni, ta’ promozzjoni (ta’ bidla) u ta’ trasformazzjoni. L-eżistenza ta’ livelli għoljin ta’ dejn pubbliku bħala sehem tal-PDG tista’ toħloq diffikultajiet fir-rigward tar-reżiljenza. Minn naħa, tista’ tkun sors ta’ vulnerabbiltà għall-iskossi; min-naħa l-oħra, tista’ tillimita r-reazzjoni tal-Istati Membri għall-iskossijiet avversi.

2.1.5.

Ir-reżiljenza ekonomika tista’ tinkiseb b’modi li għandhom effetti differenti ħafna fuq il-benessri ta’ gruppi differenti fis-soċjetà. Il-benessri tal-ħaddiema jiddependi ħafna fuq kemm l-opportunitajiet ta’ introjtu u ta’ impjieg tagħhom huma stabbli, sikuri u mqassma b’mod ugwali. Għalhekk, il-politiki li jippromovu kemm ir-reżiljenza ekonomika kif ukoll dik tas-suq tax-xogħol għandhom jingħataw preferenza, bir-reżiljenza tas-suq tax-xogħol tiġi ddefinita bħala l-kapaċità ta’ suq tax-xogħol li jirreżisti għal skoss ekonomiku b’telf limitat għall-benessri tal-ħaddiema. Madankollu, il-proporzjon dejjem jikber ta’ impjieg mhux standard u prekarju fil-ħolqien ta’ impjieg totali jservi ta’ tfakkira ċara li r-reżiljenza ekonomika u dik tas-suq tax-xogħol mhux neċessarjament jaqblu. Il-kwalità tal-impjieg hija fattur ta’ reżiljenza, kemm għall-vulnerabbiltà u r-reżistenza kif ukoll għall-irkupru.

2.2.

L-istabbiliment ta’ ekonomija Ewropea aktar sostenibbli huwa għan politiku fl-UE. Skont il-viżjoni strateġika fit-tul tal-Kummissjoni Juncker għal “ekonomija tal-UE għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima” sal-2050, informata inter alia mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, ekonomija sostenibbli għandha tkun waħda li tintegra t-tliet dimensjonijiet kollha ta’ sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali.

2.2.1.

Id-definizzjoni ġenerali ta’ sostenibbiltà ekonomika hija l-kapaċità ta’ ekonomija li tappoġġja livell definit ta’ produzzjoni ekonomika b’mod indefinit. Din tikkonċerna li jiġu eitati żbilanċi makroekonomiċi kbar. Billi ta’ spiss jikkombina ż-żewġ kunċetti ta’ ekonomija sostenibbli u sostenibbiltà ekonomika, il-proċess tal-UE ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika, b’mod partikolari s-Semestru Ewropew huwa fil-qalba tiegħu mibni biex isegwi din l-aħħar dimensjoni, filwaqt li jonqos milli jirrifletti bis-sħiħ il-kunċett usa’ ta’ ekonomija sostenibbli. Pereżempju, id-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni “Lejn Ewropa sostenibbli sal-2030" jiddikjara li “baġits b’saħħithom u ekonomiji moderni huma essenzjali; il-progress li sar għal politiki fiskali u riforma strutturali tajbin naqqsu l-livelli tad-dejn u stimulaw il-ħolqien tax-xogħol" (2).

2.2.2.

Il-kriżi u l-ġestjoni politika tagħha wasslu għal rigressjoni serja fil-koeżjoni soċjali b’konsegwenzi politiċi negattivi. Is-sostenibbiltà soċjali hija mhedda minħabba ż-żieda fl-inugwaljanzi tal-opportunitajiet u tal-eżiti li jistgħu jiġu osservati f’ħafna pajjiżi Ewropej u pajjiżi avvanzati oħra iżda wkoll fuq livell globali, b’partijiet tas-soċjetà li “tħallew l-art”. Inugwaljanza akbar tfisser ukoll vulnerabbiltà akbar għall-iskossi, li tmur kontra reżiljenza akbar. L-inugwaljanza fil-ġid tmur ukoll kontra s-sostenibbiltà ekonomika, peress li tnaqqas il-produttività tal-investiment mill-ġdid fil-ġid u l-effiċjenza tas-soċjetà. In-nuqqas li jiġu indirizzati l-ixprunaturi ta’ dawn l-inugwaljanzi ġie assoċjat f’ħafna każijiet mal-konsegwenzi politiċi osservati f’ħafna pajjiżi kontra partiti politiċi tradizzjonali u l-aġenda tagħhom favur l-UE.

2.2.3.

Is-sostenibbiltà soċjali ser ikollha tiffaċċja aktar pressjonijiet minħabba r-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali u l-bidliet li din tintroduċi għax-xogħol u l-benessri fl-Ewropa u f’postijiet oħra.

2.2.4.

Bit-tnaqqis traskurat tar-riżorsi naturali u ambjentali, il-mudell ta’ produzzjoni u konsum attwali qed jittrasgredixxi diversi dimensjonijiet ta’ konfini planetarji (it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, l-oċeani, it-tniġġis, eċċ.), u jippreżenta theddida eżistenzjali għall-ġenerazzjonijiet futuri.

2.2.5.

L-iżvilupp soċjalment u ambjentalment sostenibbli jimplika għalhekk li għandna nibqgħu fl-"ispazju sikur u ġust għall-umanità" (3) billi tiġi pprovduta bażi soċjali xierqa lill-membri kollha tas-soċjetà u fl-istess ħin nibqgħu fil-konfini planetarji. Sabiex dan iseħħ, hija meħtieġa reviżjoni fundamentali tal-mudell attwali ta’ produzzjoni u ta’ konsum ("mudell ta’ tkabbir”), fuq il-bażi ta’ “tkabbir sostenibbli" (4). Din il-viżjoni twitti t-triq għal bidla strutturali tal-ekonomija Ewropea, li tixpruna t-tkabbir sostenibbli u l-impjieg.

2.2.6.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, u anke f’konformità mal-Opinjoni tal-KESE NAT/542 (5), tkabbir sostenibbli jfisser li t-tkabbir għandu jkun ibbażat mhux biss fuq il-kwantità iżda anke – fil-fatt saħansitra aktar – fuq il-kwalità, li jfisser tkabbir li (i) huwa bbażat fuq enerġija nadifa u użu responsabbli tal-materjali mingħajr ma jiġu sfruttati l-ambjent u x-xogħol, (ii) huwa bbażat fuq fluss magħluq ta’ introjtu li jiċċirkola bejn id-djar, in-negozji, il-banek, il-gvern u l-kummerċ li jegħleb l-ostakli attwali minħabba l-frammentazzjoni finanzjarja, filwaqt li jopera b’mod soċjali u ekoloġiku, (iii) jipprovdi kundizzjonijiet ta’ għajxien ġusti billi jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ kulħadd fi ħdan il-konfini planetarji, (iv) iqis ukoll ix-xogħol mhux imħallas tal-persuni li jindokraw, l-aktar in-nisa, u (v) jiżgura li t-tkabbir ekonomiku jitkejjel mhux biss mill-fluss annwali, iżda wkoll mill-istokkijiet ta’ ġid u t-tqassim tagħhom.

Dawn il-karatteristiċi kollha huma essenzjalment nieqsa mill-mudell attwali.

2.3.

Ekonomija sostenibbli għandha karatteristiċi li jippromovu r-reżiljenza sa fejn is-sostenibbiltà ekonomika tnaqqas ir-riskji assoċjati mal-iżbilanċi makroekonomiċi u finanzjarji.

2.4.

Madankollu, it-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u l-integrazzjoni ta’ sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali, bla dubju se jirrikjedu bidliet profondi li jistgħu jkunu kkaratterizzati bħala skoss intens u dejjiemi iżda wkoll prevedibbli. Approċċ reżiljenti fil-konfront ta’ din it-tranżizzjoni se jirrikjedi miżuri li jiffaċilitaw u jippromovu l-adattabbiltà tal-ekonomiji, tas-soċjetajiet u tal-individwi għall-mudell il-ġdid. F’dan is-sens, il-fatt li tintwera reżiljenza se jiffaċilita t-tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija sostenibbli.

2.5.

Kunċett integrat u olistiku u qafas ta’ politika għas-sostenibbiltà jeħtieġ li jqisu wkoll żewġ megatendenzi oħra li se jsawru l-futur tal-ekonomija u tas-suq tax-xogħol Ewropej: soċjetà li qed tixjieħ u tibdil demografiku, u xejriet ta’ globalizzazzjoni li qed jinbidlu li, minbarra t-tnaqqis fil-multilateriżmu, jinkludu wkoll flussi ta’ migrazzjoni aktar b’saħħithom.

2.6.

Il-prestazzjoni tal-pajjiżi Ewropej matul l-aħħar kriżi kienet diversa ħafna mill-perspettiva tal-kunċett tar-reżiljenza. L-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi kien varjat fl-Istati Membri. Kważi l-Istati Membri kollha sofrew minn tnaqqis sinifikanti fil-PDG; f’diversi pajjiżi, ir-reċessjoni wasslet għal telf prinċipali ta’ impjiegi għal perjodi varji. Sabiex jittieħdu tagħlimiet adegwati mir-Reċessjoni l-Kbira, li se jgħinu jsaħħu r-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-ekonomija u s-soċjetajiet Ewropej, jeħtieġ li jiġu analizzati l-fatturi strutturali tal-kapaċità ta’ vulnerabbiltà u ta’ rkupru, flimkien mal-politiki li ġew applikati (awsterità estrema sa mill-2010, u flessibbiltà selettiva mill-2014 ’l hawn). Dan għandu jsir billi jintużaw mhux biss il-varjabbli ekonomiċi ewlenin iżda wkoll l-indikaturi soċjali u ambjentali.

3.   Iż-żewġ tranżizzjonijiet il-kbar

3.1.    Lejn ekonomija ekoloġika li hija newtrali għall-klima

3.1.1.

It-tranżizzjoni għal ekonomija ekoloġika u dekarbonizzata fl-Ewropa hija allinjata ma’ żewġ oqfsa internazzjonali: l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs) u l-Ftehim ta’ Pariġi tal-COP21. L-SDGs jirrappreżentaw aġenda globali komprensiva. L-Istati Membri tal-UE bdew isarrfu l-SDGs internazzjonali fi strateġiji u miri nazzjonali ta’ sostenibbiltà. B’mod partikolari, l-SDG7 (li jiżgura aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd), l-SDG 12 (dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli) u l-SDG 13 (dwar l-azzjoni klimatika) jiddefinixxu għanijiet strateġiċi bbażati fuq il-prinċipju ta’ responsabbiltà kondiviża.

3.1.2.

Il-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali magħmula mill-firmatarji tal-Ftehim ta’ Pariġi stabbilixxew l-għanijiet strateġiċi fil-livell tal-pajjiż. L-ewwel rendikont globali mwettaq fil-COP24 f’Katowice jindika li l-ambizzjonijiet tal-politika dwar il-klima jeħtieġ li jiżdiedu aktar.

3.1.3.

F’Novembru 2018, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-viżjoni fit-tul tagħha “Pjaneta Nadifa għal kulħadd: Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima”. Fuq din il-bażi, l-UE se tadotta u tissottometti l-impenji tagħha tal-politika dwar il-klima sal-bidu tal-2020 għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) kif mitlub skont il-Ftehim ta’ Pariġi, u għandha tqis dan li ġej:

3.1.4.

Approċċ aktar ekoloġiku tal-ekonomiji jirrikjedi taħlita koerenti ta’ politiki makroekonomiċi, industrijali, settorjali u tax-xogħol speċifiċi għal kull pajjiż. L-għan huwa li jiġu ġġenerati impjiegi deċenti tul il-katina ta’ provvista kollha, filwaqt li jinħolqu opportunitajiet ta’ impjieg fuq skala kbira.

3.1.5.

L-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ li jiġi indirizzat fl-oqsma ta’ politika kollha b’mod koerenti. Tali qafas ta’ politika jirrikjedi l-istabbiliment ta’ arranġamenti istituzzjonali sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-livelli kollha, filwaqt li jibni parzjalment fuq firxa bbilanċjata ta’ forom ta’ sjieda (pubblika, privata, komunitarja u kooperattiva). Hija meħtieġa wkoll koordinazzjoni Ewropea ta’ politiki nazzjonali li jiżguraw livelli għolja ta’ konverġenza fost l-Istati Membri. L-effetti fuq l-impjiegi li jirriżultaw minn bidla fil-mudell ekonomiku għandhom jiġu indirizzati fuq il-bażi ta’ tranżizzjoni ġusta li ssir tanġibbli permezz tad-djalogu soċjali li jgħaqqad il-livelli nazzjonali u Ewropej.

3.2.    Lejn ekonomija diġitali

3.2.1.

Id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni x’aktarx li t-tnejn li huma jkollhom effetti pożittivi u negattivi għall-ekonomija u s-soċjetà. Minn naħa, dawn jippreżentaw potenzjal kbir biex iżidu l-produttività, speċjalment fis-setturi tas-servizzi, fejn normalment din tkun baxxa, u biex jiddeċentralizzaw l-attivitajiet ta’ innovazzjoni għal postijiet aktar periferiċi.

3.2.2.

Min-naħa l-oħra, huma għandhom il-potenzjal li jispostaw il-ħaddiema speċjalment f’kompiti mhux konjittivi ta’ rutina. Filwaqt li fil-passat, ir-rivoluzzjonijiet teknoloġiċi qatt ma rriżultaw f’qgħad kbir b’mod permanenti, billi l-impjiegi spostati l-qodma ġew issostitwiti minn oħrajn ġodda, it-tranżizzjoni aktarx mhux se tkun bla xkiel jew faċli mingħajr sforzi ta’ aġġustament.

3.2.3.

Il-politiki pubbliċi fil-qasam tal-edukazzjoni jistgħu jirriformaw is-sistemi tal-edukazzjoni sabiex jagħtu lill-gradwati ħiliet li jżidulhom l-immunità tagħhom lejn spostament teknoloġiku u jippermettulhom ikunu aktar adattati matul il-karrieri tagħhom biex isibu xogħol bi ħlas.

3.2.4.

Il-politiki pubbliċi jistgħu jmexxu wkoll l-avvanzi teknoloġiċi f’direzzjonijiet li jnaqqsu l-impatt negattiv tagħhom fuq l-impjieg.

4.   Xi bażijiet ta’ mudell ekonomiku reżiljenti u sostenibbli u strateġija politika biex dan jinkiseb

4.1.

Sabiex tinbena reżiljenza ekonomika li hija kompatibbli mas-suq tax-xogħol u mar-reżiljenza soċjali, se jkun meħtieġ li niżviluppaw għadd kbir ta’ għodod għat-tħejjija, il-prevenzjoni, il-protezzjoni, il-promozzjoni (ta’ bidla) u t-trasformazzjoni li għandhom jiġu skattati kif xieraq skont l-intensità u t-tul tal-isfidi li jiffaċċjaw l-ekonomiji.

4.2.

Fil-każ tal-UEM, l-akkumulazzjoni ta’ riskji, li fl-aħħar kriżi kienet kapaċi toħloq tfixkil kbir, għandha tiġi evitata. Għal dan il-għan, il-"proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku" kienet pass fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, din għadha mimlija b’asimmetriji fil-mod li bih tindirizza l-iżbilanċi differenti (pereżempju defiċits fil-kont kurrenti kontra surpluses fil-kont kurrenti) u ma tipproduċix rakkomandazzjonijiet vinkolanti għal aġġustament, speċjalment għall-Istati Membri b’surpluses eċċessivament kbar fil-kont kurrenti. Għalhekk, hija għandha tiġi adattata.

4.2.1.

B’mod simili, għandhom jiġu evitati diverġenzi kbar fl-inflazzjoni u fil-mudelli tal-pagi nominali. Regola utli għall-koordinazzjoni madwar iż-żona tal-euro għandha tkun li l-pagi nominali għandhom jiżdiedu f’konformità mal-ammont tar-rata ta’ inflazzjoni fil-mira tal-BĊE u tar-rata ta’ tkabbir tal-produttività fil-livell settorjali. Il-politiki industrijali għandhom jippromovu tkabbir tal-produttività addizzjonali fl-ifqar Stati Membri sabiex tiġi promossa l-konverġenza. Tali żviluppi jistgħu jneħħu wkoll id-diverġenza nominali fost l-Istati Membri fiż-żona tal-euro, b’hekk tiżdied l-effikaċja tal-politika monetarja.

4.3.

Ir-reżiljenza ekonomika li hija kompatibbli mar-reżiljenza tax-xogħol tirrikjedi wkoll li – minflok ma l-piż kollu tal-aġġustament għall-iskossi jitpoġġa fuq is-swieq tax-xogħol – il-politiki makroekonomiċi, speċjalment il-politiki fiskali, ikollhom l-ispazju biex ikunu attivi biżżejjed sabiex jindirizzaw l-impatt tal-iskossi, speċjalment ir-reċessjonijiet li jaffettwaw xi Stati Membri minflok oħrajn. L-istabbiliment ta’ kapaċità fiskali fil-livell taż-żona tal-euro se jkun l-aktar mod effettiv biex isir dan, għalkemm il-fatt li jkun hemm aktar lok għall-politiki fiskali nazzjonali biex jagħmlu dan jista’ jirnexxi wkoll. Il-politiki fiskali b’kapaċità akbar li jistabbilizzaw l-ekonomiji nazzjonali fil-livell ta’ attività tagħhom f’livell massimu ta’ impjiegi jagħmluha wkoll aktar faċli biex jinbnew buffers fiskali sostenibbli.

4.4.

Il-funzjonament xieraq ta’ stabbilizzaturi awtomatiċi u ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali huma fatturi li jsaħħu r-reżiljenza ekonomika. Sabiex l-azzjoni tagħhom tkun kompatibbli mal-finanzi pubbliċi sostenibbli, is-sistemi fiskali tal-Istati Membri jeħtieġ li jipprovdu biżżejjed riżorsi. Tassazzjoni soda hija wkoll fattur ewlieni ta’ reżiljenza.

4.5.

Ambjent tan-negozju favorevoli għall-investiment u l-innovazzjoni, il-funzjonament xieraq tas-swieq finanzjarji u żieda fil-kapaċità li jiġu kondiviżi r-riskji finanzjarji huma fatturi li jsaħħu r-reżiljenza tal-ekonomija. F’konformità mal-Opinjoni preċedenti tiegħu dwar “Il-promozzjoni ta’ intrapriżi innovattivi bi tkabbir sostanzjali" (6), il-KESE jemmen li l-politiki għandhom jiġu promossi biex jagħtu spinta lil dawn il-fatturi. Huwa għalhekk li appoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Iżda l-KESE jmur lil hinn minn dan u jemmen li l-kunċett ta’ sostenibbiltà għandu jitqies ukoll fis-sistema finanzjarja, kif ġie espress fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli (7).

4.6.

Il-politiki li jiffaċilitaw tranżizzjoni għall-ekonomija diġitali u għal mudell newtrali għall-klima u ambjentalment sostenibbli għandhom jiżguraw ukoll li dawn it-tranżizzjonijiet ikunu ġusti. Tranżizzjoni ġusta ma għandhiex tkun “suppliment" għall-politiki dwar il-klima jew tad-diġitalizzazzjoni; din jeħtieġ li tkun tagħmel parti integrali mill-qafas ta’ politika għall-iżvilupp sostenibbli. Il-politiki ta’ tranżizzjoni ġusta għandhom ikunu ffokati fuq il-korrezzjoni tal-effetti distributtivi negattivi (li huma digressivi) ta’ miżuri tal-politika dwar il-klima (sal-punt li dawn jidhru bħala piż relattivament akbar fuq il-gruppi b’introjtu aktar baxx), għandhom jiffokaw fuq maniġment attiv tat-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u għandhom jittrattaw ukoll kwistjonijiet ta’ żvilupp reġjonali (pereżempju reġjuni ekonomikament vulnerabbli li jiddependu ħafna fuq industriji intensivi fl-enerġija).

4.6.1.

Tranżizzjoni ġusta għandha żewġ dimensjonijiet ewlenin: f’termini ta’ “eżiti" (ix-xenarju ta’ impjieg u soċjali ġdid f’ekonomija dekarbonizzata) u ta’ “proċess" (kif naslu hemmhekk). L-"eżitu" għandu jkun xogħol deċenti għal kulħadd f’soċjetà inklużiva bil-qerda tal-faqar. Il-proċess ta’ kif naslu hemmhekk għandu jkun ibbażat fuq tranżizzjoni mmaniġġjata bi djalogu soċjali sinifikanti fil-livelli kollha sabiex jiġi żgurat li l-kondiviżjoni tal-piż hija ġusta u ħadd ma jitħalla barra.

4.7.

Fil-qalba tal-istrateġiji għat-tisħiħ tar-reżiljenza li twassal għal trasformazzjoni ġusta tal-mudell ekonomiku tagħna għall-isfidi imminenti, għandu jkun hemm strateġiji għal investiment, inkluż l-investiment pubbliku: fil-ħiliet u fis-sistemi tal-edukazzjoni, jew investiment soċjali b’mod aktar ġenerali; u fit-teknoloġiji li jippromovu s-sostenibbiltà ambjentali.

4.7.1.

Ir-reżistenza għall-effetti tad-diġitalizzazzjoni se tirrikjedi l-iżvilupp ta’ ħiliet u ta’ kapaċitajiet li jippermettu lill-individwi jwettqu kompiti konjittivi mhux ta’ rutina, kif ukoll il-kapaċità li jġeddu l-ħiliet matul il-ħajja. Minħabba li l-inugwaljanzi eżistenti (u dawk li qegħdin jiżdiedu) urew li fil-biċċa l-kbira tagħhom jiddeterminaw il-prestazzjoni akkademika tal-istudenti, huwa importanti li jiġu stabbiliti strateġiji ta’ investiment soċjali sabiex jiġi żgurat li kulħadd ikun inkluż.

4.7.2.

L-investimenti, kemm pubbliċi kif ukoll privati, fl-ekonomija futura newtrali għall-klima, għandhom jiżdiedu sabiex jintlaħqu l-miri aġġornati ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE għall-2030 u se tkun meħtieġa bidla radikali sabiex jintlaħqu l-emissjonijiet żero netti sal-2050, b’konformità mal-miri ta’ Pariġi, kif rikonoxxut mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2018) 773 final). L-investimenti fl-enerġija rinnovabbli mill-UE-27 fl-2017 kienu biss 50 % tal-livell li laħqet fl-2011 u saħansitra 30 % inqas mill-2016 (8). Id-dgħufija dejjiema tal-attività ta’ investiment fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-Ewropa hija wkoll f’kuntrast mal-livell għoli ta’ sussidji għall-karburanti fossili li għadhom jeżistu madwar l-Istati Membri tagħha. Il-problema mhix biss nuqqas ta’ investiment: l-allokazzjoni ta’ riżorsi eżistenti lanqas ma taħdem sew. Għanijiet ta’ politika ċari u qafas ta’ politika aktar koerenti huma neċessarji biex dawn it-tendenzi negattivi jinbidlu. Fi kwalunkwe każ, it-tmiem tal-era tal-karburanti fossili fl-Ewropa jrid ikun akkumpanjat mill-investimenti neċessarji li jiżguraw il-protezzjoni tal-ħaddiema tagħha, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u l-appoġġ għall-iżvilupp lokali. Il-proċessi ta’ tranżizzjoni għandhom jiġu nnegozjati mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jkunu relatati ma’ politiki ta’ trasparenza u ta’ komunikazzjoni effettiva.

4.8.

L-interpretazzjonijiet attwali ta’ kompetittività huma ffokati fuq interpretazzjoni bbażata fuq il-kost, primarjament fuq il-kost lavorattiv iżda jqisu wkoll il-kostijiet tal-enerġija bħala fattur. Iż-żamma tal-kompetittività tiffoka tipikament fuq l-iżvilupp tal-kostijiet ta’ unità lavorattiva. L-elementi kwalitattivi tal-kompetittività għandhom isiru aktar importanti, f’termini tal-produttività tax-xogħol, il-produttività tar-riżorsi u l-effiċjenza enerġetika, u għandhom jitqiesu wkoll mill-bordijiet nazzjonali tal-produttività.

4.9.

Għalhekk, għan importanti għandu jkun li l-mekkaniżmu ta’ governanza makroekonomika Ewropew jiġi integrat fit-teħid ta’ approċċ komprensiv u integrat għall-kunċett ta’ “ekonomija sostenibbli" li jinkludi indikaturi soċjali u ambjentali fil-proċess tas-Semestru u b’hekk isaħħaħ kemm ir-reżiljenza kif ukoll is-sostenibbiltà.

5.   Strumenti ta’ governanza u politika ekonomika – fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri – sabiex nimxu lejn ekonomija aktar reżiljenti u sostenibbli

5.1.

L-importanza ta’ investiment, speċjalment l-investiment pubbliku, għat-trawwim tal-adattament għall-proċessi ta’ tranżizzjoni imminenti, u ta’ politiki fiskali għat-trawwim tal-assorbimenti tal-iskossi, tfisser li huwa imperattiv li fil-livelli tal-UE u nazzjonali jinħoloq spazju għall-politiki fiskali għal dan il-għan. L-UE għandha tistabbilixxi għaliha stess l-għan li tilħaq il-livell ta’ investiment li laħqet qabel il-kriżi f’perjodu ta’ żmien qasir. Dan jimplika t-tnaqqis tad-diskrepanza fl-investiment, u b’hekk żieda fl-investiment b’żewġ jew tliet punti perċentwali tal-PDG, jew madwar EUR 300 biljun kull sena għall-UE-28 (9).

5.2.

Sabiex tissaħħaħ in-naħa tad-dħul u jiġu żgurati riżorsi fiskali suffiċjenti fl-UE u l-Istati Membri, jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus, ir-rifuġji fiskali u kompetizzjoni tat-taxxa inġusta bejn l-Istati Membri. Mingħajr preġudizzju għall-appoġġ għall-innovazzjoni, l-Istati Membri għandhom jaqblu li jikkoordinaw azzjoni fil-livell tal-UE bil-għan li jħeġġu lill-ġganti diġitali jħallsu s-sehem ġust ta’ tassazzjoni tagħhom lil kull wieħed mill-Istati Membri li fihom jagħmlu l-profitti.

5.3.

Is-sistema ta’ governanza ekonomika tal-UE, inkluża l-arkitettura tal-UEM jeħtieġ li titjieb sabiex jiġi evitat il-waqfien tat-tkabbir ekonomiku u l-piż fuq il-politiki fiskali nazzjonali b’kompiti li huma ma jistgħux u ma għandhomx jimmaniġġjaw.

5.4.

L-istabbiliment ta’ kapaċità fiskali kbira biżżejjed fil-livell taż-żona tal-euro sabiex tiġi pprovduta stabbilizzazzzjoni fil-każ ta’ skossi huwa l-aktar għażla favorevoli, li, madankollu, bħalissa tidher li waqfet.

5.5.

Il-preservazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni fil-livell nazzjonali għall-protezzjoni tal-investiment pubbliku, speċjalment waqt ir-reċessjonijiet, għandha tkun ukoll minn ta’ quddiem fil-lista ta’ prijoritajiet. Mingħajr preġudizzju għaż-żamma tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, ir-regoli fiskali attwali tal-UE jistgħu jinbidlu jew jiġu interpretati b’tali mod li l-investiment pubbliku, b’mod partikolari l-investiment soċjali u l-investiment fi proġetti ambjentali, jiġi eskluż mill-kalkolu tad-defiċits (10).

5.6.

L-Unjoni Bankarja jeħtieġ li tiġi kkompletata bl-istabbiliment ta’ Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti u garanzija ta’ kontinġenza fiskali komuni għall-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Il-KESE jtenni t-tħassib tiegħu dwar l-ostakli li diversi gvernijiet qed jippreżentaw fl-ikkompletar ta’ dawn iż-żewġ proġetti li huma essenzjali għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja u finalment tal-investiment privat fiż-żona tal-euro, u li huma marbutin ħafna maż-żieda fir-reżiljenza.

5.7.

Għandu jiġi stabbilit assi sikur komuni, titnaqqas il-frammentazzjoni finanzjarja billi tiġi promossa l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, jiġi appoġġjat il-potenzjal tal-politika monetarja u jittaffa ċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u s-sovrani billi jiġu sostitwiti l-bonds tal-gvern nazzjonali fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek. Dawn tal-aħħar iwittu wkoll it-triq għar-riformi neċessarji iżda li s’issa kienu politikament diffiċli li se japprofondixxu l-UEM b’mod sinifikanti. Il-pajjiżi li ma jappartjenux għaż-żona tal-euro jistgħu jipparteċipaw fi programm ta’ assi sikuri komuni. L-awtoritajiet monetarji u dawk responsabbli għall-politika ekonomika Ewropea għandhom iqisu s-sitwazzjoni tagħhom biex jiżguraw ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja Ewropea kollha kemm hi.

5.8.

Is-Semestru Ewropew għandu jinkorpora b’mod aktar prominenti u koerenti l-iżvilupp tar-reżiljenza bil-għan li jkun hemm koverġenza ’l fuq u sostenibbiltà fl-istadji kollha, mill-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (li jista’ jsir Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u s-Sostenibbiltà) sal-programmi nazzjonali ta’ riforma u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

5.9.

Hemm ħafna fatturi li jaffettwaw ir-reżiljenza ekonomika li huma fundamentali għall-funzjonament tal-UEM. Permezz tas-Semestru Ewropew, il-QFP 2021-2027 u strumenti leġislattivi u tal-gvern oħra, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programm ta’ azzjoni koerenti biex jippromovu u jsaħħu l-fatturi ewlenin li jippromovu reżiljenza ekonomika fl-UE kollha u l-konverġenza tal-Istati Membri b’rabta ma’ dawn il-fatturi.

5.10.

Fl-aħħar nett, il-KESE jemmen li dawn li ġejjin għandhom jiġu inklużi bħala fatturi ewlenin ta’ reżiljenza fi programm ta’ azzjoni:

(a)

it-tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja: żieda fil-kapaċità finanzjarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), promozzjoni ta’ politika tat-tassazzjoni Ewropea li tinkludi armonizzazzjoni fiskali, faċilitazzjoni tas-suffiċjenza fiskali tal-Istati Membri u l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi effettivi għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa;

(b)

it-tlestija tal-Unjoni Monetarja billi jitwessgħu l-għanijiet tal-BĊE, il-ħolqien ta’ Teżor Ewropew Uniku b’kapaċità ta’ ħruġ ta’ dejn, it-titjib tal-governanza taż-żona tal-euro u li din issir aktar demokratika;

(c)

żieda fil-produttività tal-ekonomiji Ewropej billi jitpoġġa fokus fuq fatturi ewlenin bħall-investiment (pubbliku u privat), ir-riċerka, l-iżvilupp, l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali, it-titjib tal-ġestjoni tan-negozju u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema;

(d)

is-swieq tax-xogħol u l-kwalità tal-impjieg: tisħiħ tan-negozjar kollettiv u tad-djalogu soċjali, l-iżgurar li l-istabbilizzaturi awtomatiċi jaħdmu b’mod effettiv u t-tfassil ta’ aktar politiki attivi u aħjar dwar l-impjieg; Il-ħolqien ta’ assigurazzjoni Ewropea tal-qgħad (li tikkomplementa skemi nazzjonali) jista’ jkun strument ta’ reżiljenza ekonomika pan-Ewropea li ssaħħaħ ukoll il-koeżjoni politika tal-Unjoni. Nappellaw lill-istituzzjonijiet Ewropej jistudjaw il-fattibbiltà tal-finanzjament tagħha fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027;

(e)

il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u l-progress lejn soċjetà aktar inklużiva billi jiġi applikat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b’finanzjament adatt; u

(f)

il-promozzjoni tal-ħolqien ta’ ambjenti favorevoli għall-investiment tan-negozju u t-titjib tal-finanzjament ta’ kumpaniji, it-tlestija b’urġenza tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja, inkluża Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti.

5.11.

Il-BĊE, flimkien mal-biċċa l-kbira tal-banek ċentrali ewlenin fid-dinja, x’aktarx se jkollu jkompli l-politiki monetarji “mhux konvenzjonali" tiegħu sakemm l-aspettattivi tal-inflazzjoni jibqgħu taħt il-mira. Huwa għandu jqis ukoll il-finanzjament dirett tal-investiment fi proġetti ekoloġiċi u ta’ tranżizzjoni diġitali.

5.12.

Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss għandu jirrifletti l-ambizzjoni li tiġi żviluppata ekonomija reżiljenti u sostenibbli. Il-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP 2021-2027 mhux se tippermetti li riżorsi suffiċjenti jsaħħu l-fatturi ta’ reżiljenza li ġejjin: investiment u l-funzjoni l-ġdida tal-istabbilizzazzjoni tal-investiment; politiki ta’ koeżjoni li jiffavorixxu l-konverġenza ekonomika u soċjali bejn l-Istati Membri; il-politiki ta’ koeżjoni soċjali interni stipulati fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; u t-tranżizzjonijiet ġusti ddikjarati f’din l-Opinjoni. Il-KESE jtenni t-talba, li tinsab fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali wara l-2020 (11) li l-mezzi finanzjarji disponibbli fil-QFP li jmiss jilħqu l-1,3 % tad-DNG tal-UE-27. It-tnaqqis propost fil-finanzjament tal-politiki ta’ koeżjoni – b’10 % meta mqabbel mal-QFP attwali, fil-proposta dwar il-QFP tal-Kummissjoni Ewropea – jidher partikolarment inaċċettabbli minħabba l-ħtieġa li jissaħħu l-politiki ewlenin li jagħtu spinta lir-reżiljenza u lis-sostenibbiltà.

5.12.1.

Għandhom ikunu fis-seħħ riżorsi finanzjarji ddedikati sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli (pereżempju “fond ta’ tranżizzjoni ġusta”) f’konformità mal-proposta tal-Parlament Ewropew fl-2018 li tali fond jinħoloq b’allokazzjoni ta’ EUR 4,8 biljun.

5.12.2.

Il-politika strutturali u ta’ koeżjoni tal-UE għandha tiġi integrata flimkien mal-paradigma ta’ “ekonomija sostenibbli”. Għalkemm il-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima (u l-adattament għalih) hija prijorità eżistenti fil-finanzjament ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FondI SIE), dan l-għan huwa sostnut prinċipalment minn appoġġ għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Huwa għadu ma ġiex integrat b’mod ġenerali fis-sens li jappoġġja t-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima u ma hemm l-ebda prijorità ddedikata allokata għal tranżizzjonijiet ġusti.

5.12.3.

Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu li l-finanzjament, permezz tal-BEI u tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, ta’ proġetti tal-eneġija mill-karburanti fossili huwa ogħla minn dak tal-enerġija nadifa. Għalkemm il-finanzjament għall-infrastruttura tal-gass huwa għal “enerġija tranżitorja”, huwa meħtieġ li jiġu applikati miri tal-emissjonijiet aktar stretti.

5.12.4.

Il-politiki dwar is-sussidju tal-UE u tal-Istati Membri jridu jkunu konformi mal-għan li tinkiseb newtralità klimatika sal-2050. Is-sussidji kollha għal attivitajiet ekonomiċi li għandhom effett fuq il-kisba ta’ dan il-għan jew li jagħmlu ħsara lill-ambjent b’modi oħra, għandhom jiġu eliminati malajr kemm jista’ jkun.

5.13.

Minħabba t-tipi ta’ miżuri u l-iskala tal-isforzi meħtieġa biex jiġi mmaniġġjat il-bini ta’ ekonomija aktar reżiljenti u sostenibbli, l-involviment attiv tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra rappreżentanttivi tas-soċjetà ċivili fit-tiswir ta’ perkorsi ta’ tranżizzjoni ġusta u perkorsi għal reżiljenza se jkunu indispensabbli. It-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u tad-demokrazija fuq il-post tax-xogħol jista’ jikkontribwixi għal aktar adattabbiltà u reżiljenza fil-livell tal-industrija. Huwa fattur ta’ reżiljenza li, min-naħa tiegħu, isaħħaħ fatturi oħra li magħhom għandu korrelazzjoni pożittiva fil-funzjonament tal-kumpaniji u l-ekonomija: il-produttività, il-kapaċità tal-innovazzjoni, il-kwalità tal-impjieg, eċċ. Il-kooperattivi tal-ħaddiema jistgħu jipprovdu wkoll mudell b’saħħtu ta’ demokrazija fil-kumpanija, abbażi tal-interess komuni u s-solidarjetà u b’għeruq fiż-żona lokali.

5.13.1.

Min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema hija essenzjali biex it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jkollhom suċċess. Għandhom jintużaw l-istrumenti eżistenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u d-demokrazija fil-kumpaniji. L-imsieħba soċjali u l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jiżguraw li dawn l-istrumenti jeżistu fil-pajjiżi kollha tal-UE u li jistabbilixxu rabtiet mal-proċeduri ta’ djalogu soċjali li jippromovu tranżizzjonijiet ġusti. Il-linji gwida tal-ILO tal-2015 dwar tranżizzjoni ġusta (12) jipprovdu sett ta’ għodod prattiċi għall-gvernijiet u l-imsieħba soċjali fl-immaniġġjar ta’ dan il-proċess ta’ trasformazzjoni,

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Kummissjoni Ewropea, Nota għall-Grupp tal-Euro: Reżiljenza ekonomika fl-UEM, 13/9/2017.

(2)  Dokument ta' riflessjoni "Lejn Ewropa sostenibbli sal-2030", il-Kummissjoni Ewropea (2019).

(3)  Raworth (2017).

(4)  ĠU C 228, 5.7.2019, p. 37.

(5)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 39.

(6)  ĠU C 75,10.3.2017, p.6

(7)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 73.

(8)  Frankfurt School-UNEP-BNEF (2018).

(9)  How to close the European investment gap? (Kif għandha titnaqqas id-diskrepanza fl-investiment Ewropew?), Michael Dauderstädt, Friedrich Ebert Stiftung.

(10)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 28 u l-Opinjoni tal-KESE dwar Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, ĠU C 159, 10.5.2019, p. 49.

(11)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106.

(12)  Guidelines for a just transition towards environmentally sustainable economies and societies for all (Linji gwida b’rabta ma’ tranżizzjoni ġusta għal ekonomiji u soċjetajiet ambjentalment sostenibbli għal kulħadd), Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), mhux disponibbli bil-Malti.


18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/32


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Viżjoni ġdida għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 353/06)

Relatur: Judith VORBACH

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.1.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

2.7.2019

Adottata fil-plenarja

17.7.2019

Sessjoni plenarja Nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

159/2/9

Preambolu

Din l-Opinjoni hija parti minn pakkett ta’ żewġ Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja tal-KESE li tfasslu fl-istess ħin: Lejn ekonomija Ewropea aktar reżiljenti u sostenibbli u Viżjoni ġdida għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-pakkett huwa maħsub bħala kontribuzzjoni diretta għall-aġenda ekonomika tal-Parlament Ewropew il-ġdid u tal-Kummissjoni Ewropea li se tieħu l-kariga fl-2019. Hemm ħtieġa ċara għal strateġija ekonomika Ewropea ġdida: narrattiva pożittiva għall-iżvilupp futur tal-ekonomija tal-UE fid-dinja usa’ li tgħin biex tiżdied ir-reżiljenza tal-UE għall-iskossi ekonomiċi u s-sostenibbiltà – ekonomika, soċjali u ambjentali – tal-mudell ekonomiku tagħha, biex b’hekk iġġib lura l-kunfidenza, l-istabbiltà u l-prosperità kondiviża għall-Ewropej kollha. Filwaqt li tibni fuq il-progress miksub f’dawn l-aħħar snin, din l-istrateġija tista’ twitti t-triq għal aktar integrazzjoni ekonomika, fiskali, finanzjarja, soċjali u politika li hija meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa (UEM).

Fl-2014, il-KESE ħareġ ukoll Opinjoni dwar l-ikkompletar tal-UEM, li strutturat l-UEM f’erba’ pilastri, li jinkludu l-pilastru monetarju u finanzjarju, il-pilastru ekonomiku, il-pilastru soċjali u l-pilastru politiku. Ġew adottati aktar Opinjonijiet fir-rigward ta’ kull pilastru. Hawnhekk se tinżamm l-istruttura ta’ erba’ pilastri biex tingħata ħarsa ġenerali lejn il-progress u n-nuqqasijiet tal-UEM u biex fl-aħħar tiġi proposta lista ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni l-ġdida u lill-Parlament Ewropew għal Unjoni Monetarja b’saħħitha, inklużiva u reżiljenti. B’mod ġenerali, il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-gvernijiet nazzjonali jieħdu passi aktar ambizzjużi fil-kuntest tar-riforma tal-UEM sabiex tinkiseb Unjoni aktar integrata, demokratika u żviluppata aħjar mil-lat soċjali.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Għalkemm diġà sar progress konsiderevoli lejn l-ikkompletar tal-UEM, għad hemm bżonn li jissaħħu b’mod sinifikanti l-erba’ pilastri kollha, filwaqt li tingħata attenzjoni biex jinżamm il-bilanċ bejniethom, peress li jekk jiġi traskurat pilastru wieħed jew aktar, dan jista’ jwassal għal disparitajiet perikolużi. Barra minn hekk, huwa importanti li dejjem jiġu kkunsidrati l-isfidi li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima. Il-pilastri huma wkoll interdipendenti: pereżempju, approċċ soċjali tal-pilastru ekonomiku jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-pilastru soċjali u viċi versa. Xi miżuri konkreti huma varjabbli fil-klassifikazzjoni tagħhom.

1.2.

Għalkemm l-ikkompletar tal-UEM huwa l-prijorità attwali, nuqqas ta’ ftehim bejn l-Istati Membri dwar liema direzzjoni għandha tittieħed, qed ixekkel il-progress ulterjuri. Il-prospetti ekonomiċi skoraġġanti huma aggravati minn inċertezzi ġeopolitiċi u mill-prospett ta’ Brexit. Id-disparitajiet bejn l-Istati Membri, it-tqassim mhux indaqs tad-dħul u l-ġid, il-kriżi klimatika u l-iżvilupp demografiku previst qed joħolqu wkoll sfidi kbar.

1.3.

Ir-reżiljenza għall-kriżijiet hija kundizzjoni meħtieġa, iżda mhux biżżejjed għall-ikkompletar tal-UEM. Hemm bżonn ukoll ta’ viżjoni pożittiva, kif stabbilit fl Artikolu 3 tat-Trattat tal-UE. Fiċ-ċirkostanzi attwali, il-KESE jipproponi l-prijoritajiet li ġejjin: tkabbir sostenibbli u inklużiv, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, il-konverġenza ’l fuq, l-iżgurar tat-tkabbir tal-produttività u tal-kompetittività f’konformità mal-objettivi ta’ Ewropa 2020, kundizzjonijiet tajbin għan-negozji u għall-investiment, impjiegi ta’ kwalità u pagi adegwati, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, finanzi pubbliċi stabbli u sostenibbli, settur finanzjarju stabbli u l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 2030 u l-Ftehimiet ta’ Pariġi dwar il-Klima.

1.4.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE fir-rigward tal-pilastri ewlenin tal-UEM f’aktar dettall:

1.4.1.

Pilastru monetarju u finanzjarju stabbli bħala l-bażi għall-iżvilupp makroekonomiku

BĊE: it-tisħiħ tar-rwol ta’ stabbilizzazzjoni u l-preservazzjoni tal-indipendenza tiegħu;

Passi deċiżivi għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, bil-prijoritajiet li ġejjin: l-istabbilizzazzjoni biex tinbena l-fiduċja, regolamentazzjoni effiċjenti, bilanċ tal-kondiviżjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju sabiex jiġi evitat piż fiskali ieħor fuq il-finanzi pubbliċi f’sitwazzjoni ta’ kriżi, it-teħid inkonsiderazzjoni tal-konsegwenzi soċjali li jirriżultaw mir-regolamentazzjoni, l-inklużjoni tal-miri klimatiċi u l-ħarsien tal-konsumaturi;

L-Unjoni Bankarja: is-salvagwardja tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-implimentazzjoni tal-EDIS, it-tkomplija tad-dibattitu dwar ir-riforma strutturali u l-attivitajiet bankarji paralleli;

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali: l-iffissar ta’ prijoritajiet, jiġifieri t-titjib tas-superviżjoni, il-ħolqien ta’ aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-UE, il-ħolqien ta’ ass sikur (safe asset), teħid ta’ passi għall-allinjament tar-regoli dwar l-insolvenza;

It-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro abbażi ta’ UEM stabbli, ekonomikament b’saħħitha u bbilanċjata soċjalment;

1.4.2.

Pilastru ekonomiku b’saħħtu bħala l-bażi tal-prosperità u l-progress soċjali

It-tisħiħ tal-pilastru ekonomiku għal bilanċ intergovernattiv u għall-promozzjoni tat-tkabbir, il-produttività u l-kompetittività;

Bilanċ bejn il-miżuri min-naħa tal-provvista u tad-domanda, li attwalment jinvolvi titjib fin-naħa tad-domanda, permezz ta’ inklużjoni akbar tat-tabella ta’ valutazzjoni soċjali fis-Semestru Ewropew, it-tisħiħ tas-sistemi tat-tariffi u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali, l-implimentazzjoni rapida tal-Awtorità Ewropew tax-Xogħol, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-“regola tad-deheb għall-investiment” b’modi li ma jipperikolawx l-istabbiltà finanzjarja u fiskali fuq perjodu medju;

il-ħolqien ta’ kapaċità fiskali taż-żona tal-euro, iffinanzjata permezz ta’ strument ta’ dejn komuni u impenn ta’ ħlasijiet għat-tisħiħ tal-istruttura ekonomika u soċjali. Il-proposti attwali għandhom jitqiesu biss bħala l-ewwel pass.

Miżuri biex titnaqqas il-kompetizzjoni fiskali inġusta kif ukoll biex jiġu evitati l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

1.4.3.

L-applikazzjoni tal-pilastru soċjali bħala l-bażi għall-progress soċjali u tas-soċjetà

Standards minimi soċjali fl-Istati Membri li jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni;

Isir sforz biex jinstab bilanċ ġust bejn bażi ekonomika soda u dimensjoni soċjali b’saħħitha;

L-espansjoni tad-dibattitu dwar Ministru tal-Finanzi tal-UE biex jinkludi pożizzjoni ekwivalenti għall-affarijiet soċjali u tax-xogħol tal-UE;

1.4.4.

Pilastru politiku bħala l-bażi għad-demokrazija, is-solidarjetà u l-unità

It-tisħiħ tal-involviment tal-Parlament Ewropew, kif ukoll tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili f’deċiżjonijiet ewlenin tal-politika soċjali u ekonomika;

Is-solidarjetà u n-negozjar xieraq bħala l-bażi għall-prosperità u l-paċi fi ħdan l-UE u għall-importanza politika u ekonomika tal-UE fil-kuntest globali;

Adeżjoni rapida fiż-żona tal-euro ta’ dawk il-pajjiżi tal-UE li għadhom ma jiffurmawx parti minnha.

2.   L-ikkompletar tal-UEM – Kisbiet, sfidi u għanijiet

2.1.

Fil-proċess tal-ikkompletar tal-UEM, diġà ttieħdu passi kbar sabiex illum il-ġurnata din għandha acquis komuni sinifikanti. Fl-2015, ir-Rapport tal-Ħames Presidenti ressaq pjani ambizzjużi għall-approfondiment tal-UEM. F’Ġunju 2019, il-Kummissjoni esprimiet il-fehmiet tagħha permezz tad-dokument “Deepening Europe’s Economic Monetary Union: Taking stock four years after the Five Presidents’ Report” (1) (L-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: It-teħid ta’ rendikont erba’ snin wara r-Rapport tal-Ħames Presidenti) fejn hija tat rendikont tal-progress li sar minn dakinhar ’il hawn u appellat li tittieħed aktar azzjoni mill-Istati Membri. Il-KESE jappoġġja dan l-appell. Għad hemm ħtieġa sinifikanti għal azzjoni kemm fir-rigward tal-pilastru finanzjarju u ekonomiku, iżda anke tal-pilastru soċjali u demokratiku. B’mod partikolari, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jinkiseb bilanċ bejn l-oqsma kollha, li bejniethom jeżistu diversi interazzjonijiet.

2.2.

Għalkemm l-Istati Membri kollha għandhom l-interess komuni li jippreservaw l-euro, approfondiment ulterjuri tal-UEM qiegħed jiġi mxekkel min-nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri dwar liema direzzjoni għandha tittieħed. Dan jiddependi fuq il-kunflitt bejn il-kondiviżjoni tar-riskju, li tinvolvi trasferimenti transfruntiera jew responsabilità konġunta, u, min-naħa l-oħra, fuq l-approċċ għat-tnaqqis tar-riskju, fejn il-pressjoni biex wieħed jadatta hija responsabbiltà nazzjonali u r-reżiljenza ekonomika għandha tinkiseb permezz ta’ bidla strutturali. Madankollu, l-enfasi fuq din id-diverġenza mhijiex biżżejjed, minħabba li hemm ukoll perspettivi differenti tal-partiti politiċi kif ukoll tas-soċjetà ċivili. L-ikkompletar tal-UEM jirrikjedi, madankollu, il-fehim dwar l-interessi u l-perspettivi differenti, li s-solidarjetà u r-rieda għal kompromess huma bażi meħtieġa għal futur komuni tajjeb fl-Ewropa.

2.3.

L-ambjent ekonomiku attwali jippreżenta sfida. Wara l-fażi twila tal-kriżi, l-ekonomija fi ħdan l-UEM reġgħet bdiet tikber mill-2014, iżda fit-tieni nofs tal-2018 reġgħet naqqset ir-ritmu. Dan kien ir-riżultat ta’ diversi fatturi, bħat-tnaqqis globali fil-kummerċ u fl-iżvilupp ekonomiku, kunflitti kummerċjali li ma ġewx solvuti u anke fatturi interni ta’ inċertezza bħall-Brexit. Fiż-żona tal-euro, it-tnaqqis tad-dinamika ekonomika kien saħansitra aktar evidenti minħabba d-dipendenza fuq id-domanda esterna u fatturi speċifiċi għall-pajjiż u għas-settur. L-iżvilupp ekonomiku b’rata baxxa fl-UE x’aktarx se jkompli fil-futur (2). Il-kriżi klimatika, il-bidla teknoloġika, il-protezzjoniżmu u l-attakki ċibernetiċi, kif ukoll il-muniti diġitali u l-kriptovaluti joħolqu sfidi futuri. Rapport reċenti tal-ESPAS jasal għall-konklużjoni li ż-żieda fit-temperatura globali, li fost oħrajn se tkun akkumpanjata minn tnaqqis sinifikanti fil-produttività, hija l-aktar kwistjoni ta’ politika urġenti li ġġib magħha implikazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji sinifikanti (3).

2.4.

Għalkemm meta mqabbla fuq livell globali, l-UE fl-intier tagħha hija relattivament għanja minħabba li f’termini komparattivi għandha prodott domestiku gross (PDG) għoli – kemm aggregat kif ukoll per capita – u żieda fir-rati tal-impjiegi f’dawn l-aħħar snin, id-disparitajiet soċjali bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri u fi ħdan is-soċjetajiet huma ta’ xkiel għall-koeżjoni (4). 22 % taċ-ċittadini tal-UE huma fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. F’diversi pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, il-pagi reali bħala medja fl-2019 huma inqas minn dawk tal-2009, filwaqt li jikkontribwixxu għal aktar diverġenza reali fil-livell ta’ prosperità soċjoekonomika (5). Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa għadha kbira f’ħafna postijiet, u proporzjon għoli ta’ persuni fis-suq tax-xogħol qed jesperjenzaw faqar fost dawk li jaħdmu jew qgħad. Fir-rigward tat-tqassim tal-assi netti privati tal-unitajiet domestiċi, il-BĊE jikkonkludi li fiż-żona tal-euro jeżisti “żbilanċ kbir”. B’hekk, l-aktar 10 % sinjuri għandhom 51,2 % tal-assi netti (6). Dan iwassal għall-ħolqien perikoluż ta’ tensjonijiet soċjali u forzi diviżivi.

2.5.

Reżistenza mtejba kontra l-kriżijiet hija meħtieġa, iżda mhijiex biżżejjed. L-ikkompletar tal-UEM jirrikjedi viżjoni pożittiva, kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-Trattat tal-UE. Fost l-oħrajn, din tirreferi għall-promozzjoni ta’ ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva, li tkun orjentata lejn il-kisba ta’ impjiegi għal kulħadd u l-progress soċjali, u l-ħarsien tal-ambjent. Mill-perspettiva attwali, il-KESE jirrakkomanda l-miri li ġejjin: tkabbir sostenibbli u inklużiv, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi, il-konverġenza ’l fuq, l-iżgurar tat-tkabbir tal-produttività u t-tisħiħ tal-kompetittività f’konformità mal-objettivi ta’ Ewropa 2020, li jinkludu wkoll objettivi “lil hinn mill-PDG” (7), kundizzjonijiet tajbin għan-negozji u għall-investiment, impjiegi ta’ kwalità u pagi tajbin, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, finanzi pubbliċi stabbli u sostenibbli, settur finanzjarju stabbli u l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 2030 (SDGs) kif ukoll tal-għanijiet tal-Ftehimiet ta’ Pariġi dwar il-Klima. Il-KESE jirreferi wkoll għall-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu “Lejn ekonomija Ewropea aktar reżiljenti u sostenibbli”.

3.   Il-pilastru monetarju u finanzjarju – Il-bażi għall-iżvilupp ekonomiku

3.1.

Il-KESE jenfasizza l-importanza kbira tar-rwol ta’ stabbilizzazzjoni li jaqdi l-BĊE f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Pereżempju, it-tħabbira li għamel il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar ix-xiri tal-bonds tal-gvern, jekk meħtieġ (il-Programm Transazzjoni Monetarja Definittiva OMT), wassal għall-istabbiltà tas-swieq. “Il-Programm ta’ Taffija Kwantitattiva” introdott fl-2015 għall-ilħuq tal-mira tal-inflazzjoni wassal għal tnaqqis ulterjuri tal-imgħax, li ffaċilita l-aċċess għall-assi likwidi. Il-fatt li attwalment il-banek qed jiddepożitaw il-fondi fil-BĊE, anke jekk dan jirriżulta f’rati tal-imgħax negattivi, jindika l-ħtieġa biex jissaħħaħ il-pilastru ekonomiku tal-UEM. Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li jiġi kkonsolidat ir-rwol tal-BĊE għandu jkun ta’ sellief tal-aħħar istanza. L-indipendenza tal-BĊE trid tinżamm.

3.2.

Skont studju tal-BĊE, is-settur finanzjarju tal-UEM jissodisfa b’mod sodisfaċenti l-funzjoni tiegħu relatata mal-finanzjament għall-SMEs (8). Attwalment, l-SMEs jqisu li l-akbar problemi li jiffaċċjaw huma d-disponibbiltà ta’ ħaddiema kkwalifikati u ta’ persunal maniġerjali bl-esperjenza kif ukoll id-diffikultà biex isibu l-klijenti, filwaqt li jqisu n-nuqqas ta’ aċċess għall-finanzjament bħala problema żgħira. Il-kumpaniji f’xi Stati Membri huma aktar affettwati minn dan, iżda f’dawn il-pajjiżi hemm ukoll sinjali ta’ titjib. L-istudju jinkludi kampjun ta’ 11 020 kumpanija fiż-żona tal-euro, li 91 % minnhom għandhom inqas minn 250 impjegat. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ bażi ta’ finanzjament stabbli anke għall-kumpaniji l-kbar.

3.3.

Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-istituzzjonijiet tal-UE jwettqu b’mod konsistenti l-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja u tas-Swieq Kapitali, u b’hekk jistabbilixxu l-bażi biex tingħeleb il-kriżi finanzjarja u biex tinħoloq UEM reżiljenti, li fiha terġa’ tinkiseb fiduċja sħiħa. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jinstab bilanċ bejn il-kondiviżjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju, sabiex f’każ ta’ kriżi l-piż fuq il-finanzi pubbliċi jitnaqqas sal-limitu possibbli, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell komunitarju. Fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji, l-effiċjenza trid tieħu preċedenza fuq il-kumplessità. Għandu jitqies ukoll l-impatt soċjali tar-regolamentazzjoni, u l-ħarsien tal-konsumaturi jrid jingħata aktar importanza.

3.3.1.

Il-proporzjon ta’ finanzjament ta’ self bankarju meta mqabbel ma’ finanzjament tal-ekwità huwa ferm ogħla fl-UE milli fl-Istati Uniti. Il-KESE jaqbel li s-sorsi tal-finanzjament għandhom ikunu ddiversifikati u li b’hekk ikun hemm kondiviżjoni akbar tar-riskju, li fl-UE dan jimplika konċentrazzjoni akbar tal-finanzjament tal-ekwità.

3.4.

Il-KESE jinnota l-progress li sar fir-rigward tal-Unjoni Bankarja, u jenfasizza r-rwol pożittiv li taqdi l-Kummissjoni. Madankollu, minkejja d-dikjarazzjonijiet li saru għall-kuntrarju, l-Istati Membri xorta għadhom ma laħqux deċiżjoni konġunta dwar l-użu tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) bħala garanzija ta’ kontinġenza għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF), u passi ulterjuri lejn l-implimentazzjoni tal-iskema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti (EDIS), li hija meħtieġa b’mod urġenti, ġew rifjutati ripetutament mill-Istati Membri.

3.4.1.

Il-KESE jqis li skeda ta’ żmien konkreta għall-EDIS ilha pendenti għal żmien twil (9). Fir-rigward tal-użu tal-MES bħala garanzija ta’ kontinġenza għall-SRF, il-KESE jirrakkomanda li jissaħħaħ l-SRF, li jitnaqqas is-self improduttiv b’mod soċjalment sostenibbli, u li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi b’saħħithom għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) (10). Barra minn hekk, il-miżuri kontra l-ħasil tal-flus għandhom jitkomplew b’mod sistematiku fi ħdan l-Unjoni Bankarja (11). Id-dibattitu dwar ir-riforma strutturali bankarja għandu jingħata ħajja ġdida bil-għan li jitnaqqsu r-riskji għal livell aċċettabbli, u l-KESE jirrakkomanda wkoll li tingħata aktar attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi rregolata s-sistema bankarja parallela.

3.4.2.

Il-KESE jtenni t-talba preċedenti tiegħu biex it-titjib u l-konsolidazzjoni tal-pilastri tal-Unjoni Bankarja jkunu akkumpanjati mill-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima. Fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ kapital, għandu jkun hemm trattament aktar favorevoli tal-investimenti favur il-klima u jiġi previst self differenti li ma jkunx kumpless, iżda li jkun aktar inklużiv u fit-tul, speċjalment meta dan ikun relatat mal-effiċjenza enerġetika, mal-enerġija rinnovabbli u l-bqija.

3.5.

L-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali se jgħin biex jitnaqqsu l-iskossi u tingħata spinta lill-investimenti mill-kumpaniji u b’hekk tiżdied il-kompetittività tagħhom (12). Għall-kuntrarju tal-Unjoni Bankarja, li hija msejsa fuq pilastri ddefiniti b’mod ċar, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tkopri għadd sinifikanti ta’ inizjattivi differenti, pereżempju bħall-MiFID, id-Direttiva dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern u l-prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew (PEPP). Huwa diffiċli li titwettaq valutazzjoni ġenerali finali, iżda l-KESE jirrakkomanda l-prinċipji formali li ġejjin: L-ewwel nett, hemm bżonn li ssir enfasi fuq il-proġetti ewlenin. Jeħtieġ li t-titjib tas-superviżjoni jingħata prijorità. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-Kummissjoni tkompli l-proġett tal-ħolqien ta’ aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tal-UE. Il-KESE qed jistenna bil-ħerqa biex il-Kummissjoni tressaq proposta dwar assi sikuri (safe asset). It-tieni, għandha ssir ħidma favur l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-insolvenza u t-taxxi korporattivi. Il-KESE jilqa’ f’dan ir-rigward il-passi li ttieħdu lejn bażi għat-taxxa korporattiva, waqt li ttieħdu wkoll miżuri xierqa biex tiġi miġġielda l-kompetizzjoni fiskali inġusta.

3.6.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro, li attwalment huwa t-tieni l-aktar munita importanti wara d-dollaru Amerikan. Il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda li jitlestew l-UEM, l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, kif ukoll li jkun hemm aktar inizjattivi fis-settur finanzjarju u li l-euro jintuża aktar fl-oqsma tal-enerġija, il-materja prima u t-trasport, u jqis li l-UE għandha titkellem b’vuċi waħda fir-rigward ta’ kwistjonijiet strateġiċi u ekonomiċi. Madankollu, il-KESE jqis li dawn il-miżuri mhumiex ambizzjużi biżżejjed. Il-koeżjoni soċjali, il-konverġenza ekonomika ’l fuq u s-saħħa ekonomika, kif ukoll il-promozzjoni tal-kompetittività u l-innovazzjoni huma wkoll pedamenti meħtieġa għal żvilupp tajjeb tal-euro, u għalhekk, għal rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro. Il-KESE jirreferi għall-Opinjoni tiegħu “Lejn rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro”.

4.   Il-pilastru ekonomiku – Il-bażi għall-prosperità u l-progress soċjali

4.1.

Il-politika monetarja tal-BĊE tiffunzjona bl-istess mod għall-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, filwaqt li l-kummerċ barrani jista’ jsaħħaħ l-iżbilanċi, il-pajjiżi jinsabu f’fażijiet ekonomiċi differenti u ma jirreżistux l-iskossi bl-istess mod. Fl-istess ħin, l-istrumenti tal-politika monetarja nazzjonali u tal-politika nazzjonali dwar ir-rata tal-kambju mhumiex disponibbli għall-pajjiżi taż-żona tal-euro. Għalhekk, jeħtieġ li l-pilastru ekonomiku jiġi estiż, sabiex jiġu promossi l-investimenti fit-tkabbir sostenibbli, fid-domanda tal-konsumaturi kif ukoll fil-produttività u l-kompetittività. Dan jirrikjedi li jinstab bilanċ bejn il-miżuri tan-naħa tal-provvista u tan-naħa tad-domanda. Il-Kummissjoni qed tistenna li għall-2019 u għas-snin sussegwenti, se jkun hemm effetti pożittivi ta’ tkabbir abbażi tad-domanda tal-konsumaturi privati u l-investimenti (13). Il-KESE jirrakkomanda li jissaħħaħ dan l-impetu.

4.2.

Is-Semestru Ewropew jaqdi rwol importanti fir-rigward tal-allinjament makroekonomiku. Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tinkludi b’mod aktar b’saħħtu t-tabella ta’ valutazzjoni soċjali prevista fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Is-sigurtà soċjali żżid il-fiduċja f’ġejjieni finanzjarjament sikur u tħalli effetti pożittivi fuq id-domanda aggregata. Il-KESE jissuġġerixxi li s-Semestru Ewropew għandu jintuża wkoll fir-rigward tal-proposti biex jiġu applikati aktar kriterji ta’ reżiljenza, li jindirizzaw l-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi soċjali u t-tibdil fil-klima.

4.3.

Kapaċità suffiċjenti tal-akkwist tiddependi fuq impjiegi b’pagi tajbin. Madankollu, dan qiegħed jiġi mxekkel mill-fatt li l-pagi reali, bħala medja, jikbru aktar bil-mod mill-produttività (14). Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li jissaħħu s-sistemi ta’ negozjar kollettiv u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali. Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta, jeħtieġ li jiġu infurzati l-istandards minimi applikabbli għall-impjegati kollha. Barra minn hekk, għandha tiġi eżaminata l-possibbiltà li jiġu identifikati l-għodod u l-qafas disponibbli fil-livell tal-UE bħala appoġġ u gwida għall-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw sistemi ta’ introjtu minimu. L-implimentazzjoni rapida tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol proposta hija pass importanti fil-ġlieda kontra l-kompetizzjoni inġusta.

4.4.

L-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali, l-edukazzjoni, ir-riċerka, id-diġitalizzazzjoni, l-azzjoni klimatika, il-mobbiltà sostenibbli u l-enerġija rinnovabbli mhuwiex biss stimolu ekonomiku u strument importanti ta’ politika ekonomika, iżda jiżgura wkoll kapaċitajiet produttivi għall-prosperità u l-kompetittività futuri (15). Għalkemm il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, il-ħtieġa għal azzjoni għadha kbira. Pereżempju, l-Investiment pubbliku nett bħala perċentwal tal-PGD fiż-żona tal-euro qed jistaġna madwar iż-żero. Pass importanti huwa t-titjib tal-governanza fiskali.

4.5.

Hemm lok għal dan mingħajr ma tinbidel il-liġi primarja. Fil-fatt, it-TFUE jiddefinixxi l-istabbiltà fil-prezzijiet bħala għan ewlieni tal-politika ekonomika tal-UE. Madankollu, dan l-għan irid jintlaħaq fuq il-bażi ta’ tkabbir ekonomiku bbilanċjat, ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva, li timmira lejn okkupazzjoni sħiħa u l-progress soċjali, kif ukoll fuq il-kisba ta’ livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent. L-approċċ tal-politika ekonomika kif rifless jippermetti li jittieħdu inkonsiderazzjoni kemm il-komponenti tan-naħa tal-provvista kif ukoll tan-naħa tad-domanda, sabiex il-patt ta’ stabbiltà jkun ukoll patt ta’ tkabbir. Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-klawsola dwar in-nuqqas ta’ għoti ta’ salvataġġ finanzjarju bejn l-Istati Membri, il-qafas ġie msaħħaħ ripetutament permezz tal-Patt Fiskali, kif ukoll permezz tal-hekk imsejħa “two-pack" u “six-pack”. F’dan l-isfond, il-KESE jirrakkomanda li tiġi implimentata r-regola tad-deheb għall-investiment pubbliku b’mod li ma jipperikolax l-istabbiltà finanzjarja u fiskali fil-perjodu medju (16). Dan jgħin biex jiġi żgurat li fil-futur l-investiment pubbliku jibqa’ fil-livell meħtieġ, f’konformità mar-regoli dwar id-defiċit.

4.6.

L-ikkompletar tal-UEM jeħtieġ kapaċità fiskali komuni għaż-żona tal-euro. Il-KESE huwa favur baġit komuni tal-UE għaż-żona tal-euro li jista’ jiġi ffinanzjat permezz ta’ strument ta’ dejn komuni. Barra minn hekk, għandu jitkompla d-dibattitu dwar il-possibbiltà li jkun hemm Ministru Ewropew għall-ekonomija u l-finanzi (17), li għandu jagħti rendikont tal-ħidma tiegħu lill-Parlament Ewropew. Il-KESE jenfasizza li l-ħlasijiet jridu jkunu marbuta mat-tisħiħ tal-istrutturi ekonomiċi u soċjali. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi ddefinit it-terminu ta’ “riformi strutturali”. Għandha tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn il-miżuri taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 (18) (QFP) u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment.

4.6.1.

Il-Kummissjoni pproponiet li tiġi stabbilita Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti taħt il-QFP 2021-2027, li għandha tiġi applikata fil-każ ta’ skossi speċifiċi għall-pajjiż, iżda l-baġit propost ta’ EUR 30 biljun mhuwiex suffiċjenti għalkollox biex iħalli effett ta’ stabbilizzazzjoni. Barra minn hekk, il-KESE jiddispjaċih li l-komponent ta’ stabbilizzazzjoni f’din il-forma ma ġiex indirizzat fis-Summit taż-Żona tal-Euro li sar f’Diċembru 2018. Min-naħa l-oħra, kien imħabbar li se jiġu miftiehma l-kriterji għal strument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività (19). Il-Kummissjoni talbet dan bħala parti mit-tħejjija għas-Summit taż-Żona tal-Euro li sar f’Ġunju 2019, filwaqt li enfasizzat ir-rieda tagħha li tressaq proposta regolatorja ġdida (20). Il-KESE jirrikonoxxi li dan huwa pass lejn l-introduzzjoni possibbli ta’ baġit tal-euro u se jeżamina dan l-istrument maħsub għall-implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tiegħu.

4.6.2.

Bħala forma oħra tal-kapaċità fiskali tal-UEM, l-assigurazzjoni (ir-riassigurazzjoni) tal-qgħad intużat bħala referenza, li l-finanzjament tagħha għandu jiġi żgurat b’mod permanenti abbażi ta’ kriterji li għad iridu jiġu stabbiliti. Fil-każ ta’ skoss ekonomiku, dan jista’ jtaffi l-impatt tal-effetti negattivi tal-kriżi. Barra minn hekk, jeħtieġ li jissaħħu l-istabbilizzaturi awtomatiċi nazzjonali bħas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad nazzjonali. Il-KESE jemmen li għandha tkompli tiġi segwita l-idea li jiġu stabbiliti prinċipji adegwati għall-assigurazzjoni nazzjonali kontra l-qgħad. Dan jista’ jwassal għal titjib reali fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u jsaħħaħ ukoll l-istabbilizzaturi awtomatiċi nazzjonali.

4.6.3.

Hemm ukoll pjani għal tibdil fit-Trattat dwar il-MES, li għaliha l-Kummissjoni qed tistieden ukoll lill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern. Minbarra l-garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-SRF, dan għandu jinkludi wkoll aġġustamenti fil-qasam tal-għajnuna finanzjarja prekawzjonarja u għandu jiġi żgurat livell xieraq ta’ kondizzjonalitajiet. Huma previsti wkoll modalitajiet ġodda ta’ kooperazzjoni bejn l-MES u l-Kummissjoni (21). Il-KESE jwissi kontra l-limitazzjoni tal-impenn ex ante fir-rigward tal-għajnuna finanzjarja prekawzjonarja, li jdgħajjef in-natura ta’ stabbilizzazzjoni ta’ dan l-istrument.

4.7.

Barra minn hekk, il-politika tat-tassazzjoni m’għandhiex tiġi injorata fl-ikkomplementar tal-UEM. Fl-UE kollha, it-telf dovut għall-evażjoni tat-taxxa jista’ jammonta għal EUR 825 biljun fis-sena (22). Pereżempju, l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt (BEPS) fl-UE minn kumpaniji multinazzjonali huwa stmat li jammonta għal EUR 50-70 biljun jew 0,3 % tal-PDG tal-UE qabel ma ġew adottati l-miżuri komprensivi kontra l-evitar tat-taxxa (23). Madankollu, l-evażjoni tat-taxxa għadha problema importanti u għandha tiġi indirizzata. Sadanittant, il-piż tat-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq ix-xogħol fl-Ewropa huwa l-ogħla fil-livell internazzjonali. Il-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, u l-eliminazzjoni ta’ arranġamenti speċjali li jsiru mill-gvernijiet u l-awtoritajiet tat-taxxa (24), li jistgħu jitqiesu bħala fattur tar-rifuġji fiskali, jistgħu jiskoraġġixxu t-telf mit-taxxa u jipprovdu bażi usa’ għall-investiment pubbliku biex tiġi żviluppata l-infrastruttura soċjali u jittaffa t-tibdil fil-klima, kif ukoll biex tinkiseb stabbiltà sostenibbli tal-ekonomija reali u tas-settur finanzjarju.

4.7.1.

Il-KESE jinnota b’interess kbir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-klawsola “passerelle” skont l-Artikolu 48(7) tat-TUE fil-politika tat-tassazzjoni u f’oqsma ta’ politika oħra. Din tippermetti li ssir riforma lejn votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata. Barra minn hekk, għandhom jiġu segwiti b’mod konsistenti l-inizjattivi li jindirizzaw il-frodi fiskali u jevitaw kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa korporattiva. Il-KESE jagħmel referenza għall-Opinjoni tiegħu dwar il-perikli u l-ostakli għas-suq uniku (25). Il-KESE jilqa’ l-proposta li fi ħdan il-QFP, ċerti taxxi għandhom jgħaddu direttament fil-baġit tal-UE sabiex jiżdiedu r-riżorsi proprji.

5.   Il-pilastru soċjali – bażi għall-progress soċjali u tas-soċjetà

5.1.

Tfassil sostenibbli tal-pilastri monetarji, fiskali u ekonomiċi jsaħħaħ ukoll il-bażi soċjali tal-UEM. Fir-rapporti preċedenti, ġew indirizzati wkoll diversi elementi għat-tisħiħ tal-pilastru soċjali. Pereżempju, l-integrazzjoni ta’ “Tabelli ta’ Valutazzjoni Soċjali” fis-Semestru Ewropew tkun tfisser li l-kriterji bħall-konverġenza ’l fuq fir-rigward tad-dħul jew tal-pagi minimi u t-tnaqqis fil-qgħad (fost iż-żgħażagħ) jistgħu jissaħħu iżjed.

5.2.

Il-KESE jemmen li t-titjib u l-implimentazzjoni ta’ standards soċjali minimi vinkolanti fl-Istati Membri abbażi ta’ qafas Ewropew komuni b’livell għoli ta’ protezzjoni, jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-konverġenza soċjali ’l fuq. Il-KESE jinnota li din il-konverġenza soċjali ’l fuq fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol imtejba għandha tkun ibbażata fuq it-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi ta’ kwalità u l-ambjent kummerċjali kompetittiv u tista’ tittejjeb billi jinstab bilanċ ġust bejn bażi ekonomika soda u dimensjoni soċjali b’saħħitha.

5.3.

Jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn il-kwistjonijiet soċjali u dawk finanzjarji. Pereżempju, id-dibattitu dwar Ministru Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji għandu jkun ikkomplementat b’dibattitu dwar kummissarju responsabbli għall-affarijiet soċjali u tax-xogħol b’riżorsi komprensivi, li fost l-oħrajn ikun responsabbli għall-monitoraġġ tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

6.   Il-pilastru politiku – Il-bażi għad-demokrazija, is-solidarjetà u l-unità

6.1.

L-inugwaljanza ekonomika dejjem tikber, it-telf ta’ prosperità u aspettattivi futuri negattivi jistgħu jaqdu rwol importanti fil-futur, bħal fir-rigward tal-mod li bih is-soċjetà ċivili tipperċepixxi l-UE. Għalhekk, it-tisħiħ tat-tliet pilastri l-oħra skont il-proposti deskritti hawn fuq, huwa fil-fehma tal-KESE prerekwiżit importanti u meħtieġ anke għall-istabbilizzazzjoni tal-pilastru politiku. Dan huwa essenzjali biex tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE.

6.2.

Sfortunatament, il-Parlament Ewropew u l-imsieħba soċjali mhumiex involuti biżżejjed fil-qafas tas-Semestru Ewropew, fil-każ ta’ proċeduri ta’ żbilanċ eċċessiv jew fil-qafas tal-miżuri tal-MES. Dan juri wkoll li huwa katalist għall-forzi ċentrifugali, minħabba li l-valutazzjoni dwar jekk, pereżempju, pajjiż jiksirx il-kriterji tad-defiċit jew liema riformi strutturali għandhom jiġu implimentati għandha konsegwenzi fuq id-distribuzzjoni kif ukoll konsegwenzi soċjopolitiċi. Il-KESE jħeġġeġ l-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew, iżda wkoll tal-parlamenti nazzjonali, tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili fid-deċiżjonijiet ewlenin tal-politika ekonomika u soċjali. Dan huwa l-uniku mod biex jiġi żgurat li, minbarra l-interessi nazzjonali, il-perspettivi differenti tal-partiti politiċi u tas-soċjetà ċivili jkunu riflessi kif xieraq.

6.3.

Bħalissa, 19 biss mit-28 Stat Membru tal-UE huma membri taż-żona tal-euro. Sabiex tiġi kkompletata l-unjoni monetarja, madankollu, dawk il-pajjiżi li għadhom mhumiex parti miż-żona tal-euro jeħtieġ li jingħaqdu magħha, u għandhom jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli, u f’dan ir-rigward l-Istati Membri stess għandhom jieħdu azzjoni deċiżiva. Il-maġġoranza taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE li ma jagħmlux parti miż-żona tal-euro jemmnu wkoll li l-munita unika għandha effetti ekonomiċi pożittivi (26).

6.4.

Il-KESE jfakkar fir-rwol importanti li għandhom l-azzjoni konġunta u l-imġiba magħquda tal-Istati Membri tal-UE, anke fil-kuntest ġeopolitiku. Is-solidarjetà, il-kapaċità li jintlaħaq kompromess u l-isforzi komuni huma l-bażi għall-prosperità u l-paċi fi ħdan l-UE, kif ukoll l-importanza u l-kompetittività internazzjonali tagħha. Dan japplika b’mod partikolari fir-rigward tat-tfassil tal-politika soċjali u ekonomika. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iressqu pjan direzzjonali ambizzjuż għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Dan se joħloq is-sigurtà u l-fiduċja u jifforma l-bażi għal ġejjieni ekonomiku u soċjali pożittiv tal-UE.

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  https://ec.europa.eu/info/publications/deepening-emu-taking-stock-four-years-after-five-presidents-report_en

(2)  https://ec.europa.eu/info/publications/european-economic-forecast-spring-2019_en

(3)  ESPAS, Global Trends to 2030, Challenges and Choices for Europe, (Xejriet globali għall-2030, Sfidi u Għażliet għall-Ewropa) April 2019, https://espas.secure.europarl.europa.eu/orbis/node/1362 (mhux disponibbli bil-Malti)

(4)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/file_import/european-semester_thematic-factsheet_addressing-inequalities_mt.pdf

(5)  ETUC, Benchmarking Working Europe 2019 (bl-Ingliż biss)

(6)  Il-Bank Ċentrali Ewropew, The Household Finance and Consumption Survey: results from the Second wave, Nru 18 / Diċembru 2016 (bl-Ingliż biss)

(7)  Opinjoni tal-KESE ĠU C 177, 18.05.2016, p. 35.

(8)  Il-Bank Ċentrali Ewropew, Stħarriġ dwar l-Aċċess għall-Finanzi tal-Intrapriżi fiż-żona tal-euro, minn April sa Settembru 2018, Novembru 2018 (bl-Ingliż biss)

(9)  Opinjoni tal-KESE ĠU C 237, 6.7.2018, p. 46.

(10)  (bl-Ingliż biss)

(11)  Rapport tal-Grupp tal-Euro lill-Mexxejja dwar l-approfondiment tal-UEM, 4.12.2018 (bl-Ingliż biss)

(12)  L-Unjoni tas-Swieq Kapitali.Kontribut tal-Kummissjoni għall-Kunsill Ewropew (22 ta’ Marzu 2019) (bl-Ingliż biss)

(13)  https://ec.europa.eu/info/publications/european-economic-forecast-spring-2019_en

(14)  Il-Kummissjoni tal-UE, Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019.

(15)  IMF direct, 2014; OECD Economic Outlook, Ġunju 2016.

(16)  Truger, Achim (2018): Fiskalpolitik in der EWU. Reform des Stabilitäts-und Wachstumspakts nicht vergessen! [Il-politika fiskali fl-UEM. Ma ninsewx ir-riforma tal-Patt tal-Istabilità u t-Tkabbir!] WISO direkt, Friedrich-Ebert-Stiftung, Bonn.

(17)  COM(2017) 823 final.

(18)  COM(2018) 321 final.

(19)  Dikjarazzjoni tas-Summit taż-Żona tal-Euro, 14.12.2018.

(20)  https://ec.europa.eu/info/publications/deepening-emu-taking-stock-four-years-after-five-presidents-report_en

(21)  Dokument dwar il-Kondizzjonijiet (Term Sheet) tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, 4.12.2018 (bl-Ingliż biss).

(22)  Rapport għall-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew minn Richard Murphy http://www.taxresearch.org.uk/Documents/EUTaxGapJan19.pdf

(23)  Opinjoni tal-KESE ECO/491 – Tassazzjoni – votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, għadha mhux ippubblikata.

(24)  Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.38375 (Lxb/Fiat Finance), SA.38374 (NL/Starbucks), SA 38373 (IRL/Apple), SA 38944 (Lxb/Amazon).

(25)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 8 (Punt 3.6 dwar il-Politika tat-Tassazzjoni).

(26)  https://agenceurope.eu/en/bulletin/article/12271/23


18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-Semestru Ewropew u l-politika ta’ koeżjoni — Lejn strateġija Ewropea ġdida għal wara l-2020”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 353/07)

Relatur: Etele BARÁTH

Korelatur: Petr ZAHRADNÍK

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.2.2019

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

2.7.2019

Adottata fil-plenarja

17.7.2019

Sessjoni plenarja Nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

154/1/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-perjodu politiku u finanzjarju ġdid li jmiss fl-UE jipprovdi opportunità biex tissaħħaħ determinazzjoni tagħha, jittejbu r-riżultati u jiġu sfruttati l-opportunitajiet ġodda. Hemm bżonn ta’ Strateġija 2030 imġedda, aktar ambizzjuża u aktar dinamika għal Ewropa sostenibbli, kompetittiva, protettiva u ġusta.

1.1.1.

Waħda mill-akbar tagħlimiet, kif ukoll kisbiet, fil-ġestjoni reċenti tal-politika ekonomika tal-UE wara l-kriżi kienet l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni prattika tas-Semestru Ewropew. Din il-forma ġdida ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika tinkludi monitoraġġ u analiżi bir-reqqa, ġestjoni kkoordinata prattika u serje ta’ restrizzjonijiet u sanzjonijiet (1), li huma relatati mill-qrib mal-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Membri. Ir-riżultati tas-Semestru għandhom ikunu viżibbli fil-forma ta’ dixxiplina aktar stretta, responsabbiltà akbar u fokus aktar ċar fuq kwistjonijiet strateġiċi ewlenin. Bħala tali, dan jista’ jservi bħala pjattaforma affidabbli għall-interventi l-ġodda tal-politika ta’ koeżjoni.

1.2.

Il-proċess tas-Semestru huwa komplementari għas-sistema tal-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni li ilhom joperaw għexieren ta’ snin. Ir-rabtiet bejn is-Semestru Ewropew u l-politika ta’ koeżjoni tal-UE (u forsi l-maġġoranza tal-programmi tal-QFP) għandhom potenzjal enormi biex jintużaw sabiex itejbu l-koordinazzjoni u l-governanza tal-politika ekonomika tal-UE. Huwa sinjal ta’ governanza aħjar u ta’ approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni. Il-kwistjoni għandha sfond razzjonali u teknokratiku kif ukoll wieħed politiku (jitqiesu l-elezzjonijiet Ewropej, il-kompetenzi fuq livell nazzjonali vis-a-vis dawk fil-livell tal-UE, approċċ minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel u t-tiftix ta’ bilanċ bejniethom). Permezz tan-natura ta’ koordinazzjoni tiegħu, dan jgħaqqad flimkien l-implimentazzjoni tal-għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali strateġiċi, il-prijoritajiet politiċi u l-interazzjoni bejn il-kompiti fuq perjodu qasir ta’ żmien u dawk fit-tul.

1.3.

Minħabba l-prattika li qed tespandi kontinwament u l-filosofija awtoregolatorja tiegħu, is-Semestru huwa fil-fatt l-unika struttura operattiva mogħnija b’mekkaniżmu li għandu diversi skopijiet u li, permezz tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs), huwa kapaċi jkejjel kemm l-interazzjoni bejn proċeduri differenti ħafna kif ukoll l-applikazzjoni ta’ madwar tnejn u tletin politika Ewropea. Il-KESE jemmen fil-proċess tas-Semestru, u jipproponi li għandu jkun hemm opportunità għal applikazzjoni aktar ibbilanċjata tal-inċentiv u tas-sanzjonijiet differenzjati, fuq bażi soda u meqjusa bir-reqqa (2) li jikkoordinaw l-implimentazzjoni tal-objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali, fejn possibbli billi jkejlu l-progress fuq perjodu qasir ta’ żmien biex jintlaħqu l-għanijiet fit-tul.

1.4.

Il-KESE jirrikonoxxi b’dispjaċir li minkejja l-proċedura ddefinita tajjeb mifruxa fuq diversi stadji (Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT), CSRs, Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, ftehim ta’ sħubija), il-livell ta’ prestazzjoni tal-ftehimiet huwa differenti ħafna, skont l-istatus tal-iżvilupp makroekonomiku f’kull pajjiż. L-implimentazzjoni tal-politiki pluriennali hija ġeneralment baxxa (bejn 40 u 50 %). Ta’ min jinnota li l-miri tal-politika soċjali huma fost l-anqas impenji li jiġu ssodisfati, inklużi: il-pagi u l-iffissar tal-pagi, is-saħħa u l-kura fit-tul, l-edukazzjoni, it-taħriġ,it-tagħlim tul il-ħajja u l-impjiegi ta’ kwalità (speċjalment fir-rigward taż-żgħażagħ).

1.5.

Il-KESE jinnota li proċess imsaħħaħ tas-Semestru, mingħajr ma jintesew l-objettivi oriġinali tiegħu, għandu jkun l-aktar element importanti tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, li jagħmilha possibbli li jiġu kkompletati l-programmi ta’ stabbiltà u ta’konverġenza, u possibbilment isir l-element ta’ koordinazzjoni ewlieni ta’ proċedura ta’ investiment immirata tajjeb, itejjeb l-implimentazzjoni tar-riformi, ikejjel il-bilanċ bejn il-prestazzjoni ekonomika u l-politika ta’ koeżjoni kif ukoll jissodisfa l-objettivi soċjali. Il-kwistjonijiet ewlenin jinkludu l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-impjieg sostenibbli, l-introduzzjoni ta’ standards soċjali minimi fl-Istati Membri, fuq il-bażi ta’ qafas Ewropew komuni, stabbiliti mis-Semestru Ewropew, kif ukoll miri klimatiċi aktar ambizzjużi u protezzjoni aħjar tal-bijodiversità.

1.6.

Fil-fehma tal-KESE, jekk l-Ewropa trid tikseb tkabbir sostenibbli, tkabbir li jkun vijabbli mil-lat soċjali u ambjentali, din se jkollha teżamina aktar fil-fond u tagħmel użu effiċjenti tar-riżorsi lokali. L-Istrateġija Ewropa 2030 ġdida għandha tgħaqqad b’mod fattibbli l-miri lokali, reġjonali u nazzjonali u l-objettivi ta’ Ewropa konnessa aħjar.

1.7.

Fil-fehma tal-KESE, koordinazzjoni msaħħa bejn il-Fondi Ewropej (fondi ta’ koeżjoni, InvestEU, eċċ.) tista’ tgħin biex tattira aktar faċilment il-parteċipazzjoni u l-investimenti privati. Sabiex jiżdiedu l-produttività u l-investiment privat, l-ambjent tal-investiment jeħtieġ li jittejjeb, filwaqt li jitqiesu bħala regola ġenerali l-arranġamenti fiskali li jipprevalu fl-Istati Membri rispettivi. Fl-aħjar xenarju possibbli, ambjent ta’ investiment imtejjeb jista’ jsaħħaħ il-livell tar-relazzjoni bejn il-governanza Ewropea u t-tipi differenti ta’ sjieda.

1.8.

Il-KESE jipproponi li s-sistema mġedda tal-governanza Ewropea msejsa fuq l-Istrateġija 2030 tal-UE għandha tiffoka aktar fuq ir-riżultati u tistabbilixxi anqas prijoritajiet, tiffaċilita l-aċċess għall-proċeduri amministrattivi u tiddependi aktar mill-fehim tagħha tas-soċjetà ċivili u l-kooperazzjoni magħha. Dan kollu jrid jimxi id f’id mal-iżvilupp tas-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni. Mod importanti ta’ kif tissaħħaħ il-governanza Ewropea huwa billi tittejjeb l-amministrazzjoni pubblika f’diversi livelli u jkun hemm ftuħ aktar liberu għall-parteċipazzjoni.

1.9.

Il-KESE għandu jsib post iddefinit mill-ġdid fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-istrateġija tal-Ewropa, filwaqt li jieħu pożizzjoni ġdida u aktar b’saħħitha fil-governanza Ewropea sabiex jiggarantixxi rwol ta’ medjazzjoni speċjali bejn il-perċezzjoni tar-realtà tas-soċjetà ċivili u l-intenzjonijiet futuri tagħha. Il-KESE jfittex li jistabbilixxi fehim aħjar billi jsaħħaħ djalogu regolari u strutturat mal-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili.

1.10.

Il-KESE għandu jitgħallem aktar dwar is-sistemi tal-informazzjoni ġodda u jżid l-użu tagħhom, inklużi netwerks diġitalizzati u soċjali marbuta mas-soċjetà ċivili. Il-KESE jista’ jilħaq dan l-objettiv jekk ikun involut fil-proċess tas-Semestru u jakkwista l-ħila biex jipproċessa l-informazzjoni li jirċievi.

1.11.

Il-KESE jirrimarka li wieħed mill-aktar ostakli sinifikanti attwali biex jiġi sfruttat l-iżvilupp Ewropew huwa l-livell baxx ta’ komunikazzjoni fattwali u kontinwa bejn l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u l-governanza Ewropea. Hawnhekk, jeħtieġ li nifhmu wkoll is-sistema tar-relazzjonijiet tal-KESE.

1.12.

Il-KESE jemmen li billi jwettaq valutazzjoni kontinwa tal-miri kumplessi, permezz tal-ftehimiet ta’ sħubija komprensivi, u billi jibni appoġġ ċivili profond u jkejjel l-ambjent globali tal-Unjoni Ewropea, is-Semestru se juri li huwa kapaċi jiffoka fuq li jnaqqas ir-riskju tal-kriżijiet fil-futur u joħloq ambjent ekonomiku u soċjali sostenibbli, sinifikanti u risponsiv.

2.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

2.1.    L-Ewropa laħqet punt ta’ bidla

2.1.1.

L-Ewropa laħqet punt ta’ bidla ġdid. Għaxar snin wara l-kriżi ekonomika serja u minkejja l-irkupru b’saħħtu fl-Ewropa, aħna qed ngħixu fi stat ta’ taqlib politiku u soċjali, filwaqt li qed tiżviluppa inċertezza globali ġdida. Waħda mill-akbar tagħlimiet, kif ukoll kisbiet, fil-ġestjoni reċenti tal-politika ekonomika tal-UE wara l-kriżi kienet l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni prattika tas-Semestru Ewropew. Din il-forma ġdida ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika tinkludi monitoraġġ u analiżi bir-reqqa, ġestjoni kkoordinata prattika u serje ta’ restrizzjonijiet u sanzjonijiet, li huma relatati mill-qrib mal-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Membri. Ir-riżultati tiegħu għandhom ikunu viżibbli fil-forma ta’ dixxiplina aktar stretta, responsabbiltà akbar u fokus aktar ċar fuq kwistjonijiet strateġiċi ewlenin. Bħala tali, dan jista’ jservi bħala pjattaforma affidabbli għall-interventi ġodda tal-politika ta’ koeżjoni.

2.1.2.

F’dan il-perjodu, li matulu dalwaqt se jibdew ċiklu politiku ġdid mifrux fuq ħames snin ta’ governanza Ewropea u perjodu finanzjarju ġdid ta’ seba’ snin għal żvilupp Ewropew ikkoordinat, u fid-dawl tal-fatt li tmiem l-"Istrateġija Ewropa 2020" għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv qed joqrob b’rata mgħaġġla, l-UE se jkollha tanalizza mill-ġdid is-sistemi ta’ governanza: dawn għandhom ikunu bbażati fuq strateġja ta’ implimentazzjoni ġdida, komprensiva għall-għaxar snin li jmiss, bħala kumpass għal futur sostenibbli.

2.1.3.

Hemm appoġġ wiesa’ għall-idea li waħda mill-aktar kundizzjonijiet importanti biex tiġi implimentata b’suċċess “governanza f’diversi livelli u b’diversi atturi” ġdida hija l-involviment mingħajr ostakli tal-imsieħba ekonomiċi u soċjali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tal-implimentazzjoni (3).

2.1.4.

Bit-tagħlim mill-valur miżjud imwassal mill-prinċipju ta’ sħubija b’saħħtu fil-politika ta’ koeżjoni, il-KESE jtenni l-importanza tal-governanza f’diversi livelli, li ttejjeb il-parteċipazzjoni strutturali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra fil-proċess ta’ programmazzjoni, implimentazzjoni, evalwazzjoni u monitoraġġ tal-użu tal-fondi; l-istess għandu jiġi applikat għall-programmazzjoni makroekonomika fl-Istati Membri kollha.

2.1.5.

Għal dan il-għan, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas Ewropew komuni – simili għall-Ftehim ta’ Sħubija taħt il-Fondi Strutturali tal-UE – li jiggarantixxi li jista’ jkun hemm parteċipazzjoni b’saħħitha u sinifikanti tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili ġenerali fl-istadji kollha tat-tfassil u l-implimentazzjoni tas-Semestru tal-UE. Dan se jkun jinvolvi responsabbiltà akbar mill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll użu aktar effettiv u sinifikanti tal-politiki u r-rakkomandazzjonijiet.

2.1.6.

Ir-Rinaxximent Ewropew irid jinbena fuq l-istess setgħa ta’ kontinwità li fuqha huma bbażati l-valuri Ewropej, bħal-libertà, is-sigurtà, il-ġustizzja, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, b’tiġdid kontinwu msaħħaħ li jissodisfa l-kriterji ta’ żvilupp sostenibbli.

2.2.    Is-Semestru u l-kumplessità tiegħu

2.2.1.

Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-Kummissjoni għamlet sforz kbir u li jidher li kien ta’ suċċess biex tistabbilixxi sistema operattiva f’diversi livelli għall-governanza ekonomika: is-Semestru Ewropew. Dan jinkludi politiki u strateġiji differenti li jkopru s-settur kollu u kwistjonijiet orizzontali fl-oqsma ekonomiċi, soċjali u ambjentali kollha. B’dan il-proċess il-ġdid il-Kummissjoni Ewropea ssuperat is-sistema l-antika ta’ “metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni”.

2.2.2.

F’dawn l-aħħar ftit snin, is-Semestru ġie msaħħaħ u żviluppat, fejn elementi soċjali u ambjentali importanti tal-Istrateġija Ewropa 2020 intrabtu mar-rakkomandazzjonijiet tal-politika ta’ koeżjoni (4). Tista’ tidher rabta b’saħħitha bejn il-governanza ekonomika, l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u kunċett ġdid għall-iżvilupp Ewropew: il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (5).

2.2.3.

F’għadd ta’ Opinjonijiet, il-KESE ddefenda riformi strutturali li jtejbu l-produttività, it-tkabbir, il-kwalità tal-impjiegi, is-sigurtà tal-impjiegi u l-protezzjoni soċjali, filwaqt li jiffavorixxi l-investiment u t-tisħiħ tan-negozjar kollettiv, abbażi tal-awtonomija tal-imsieħba soċjali u d-djalogu soċjali (6). Barra minn hekk, il-KESE “huwa tal-fehma wkoll li r-rabta bejn il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi u s-Semestru Ewropew tista’ tkun saħansitra aktar b’saħħitha u aktar diretta minn dik prevista fil-proposta għal regolament” (7).

2.3.    Futur Ewropew sostenibbli

2.3.1.

Fil-bidu ta’ din is-sena, il-Kummissjoni ppubblikat id-Dokument ta’ Riflessjoni tagħha dwar futur Ewropew Sostenibbli, li jwitti t-triq għal strateġija ta’ implimentazzjoni komprensiva għall-perjodu sal-2030. Id-Dokument jistabbilixxi t-triq ’il quddiem biex tiġi żviluppata aktar il-viżjoni tal-UE għal żvilupp sostenibbli u l-fokus tal-politiki settorjali għal wara l-2020, filwaqt li ssir it-tħejjija għall-implimentazzjoni fit-tul tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Il-Kumitat jitlob li jkun hemm miri klimatiċi aktar ambizzjużi, integrati fis-Semestru Ewropew, peress li s-semestru huwa relattivament dgħajjef fir-rigward tal-perikli li jippreżenta t-tibdil fil-klima u l-progress li tagħmel l-UE biex jintlaħqu l-miri ta’ Pariġi (8). Barra minn hekk, f’dinja affettwata mit-tibdil fil-klima, il-KESE kemm-il darba għamel rakkomandazzjonijiet biex jittejjeb il-ħarsien tal-bijodiversità u tar-riżorsi vitali meħtieġa għall-eżistenza tagħna (9).

2.3.2.

Id-Dokument ta’ Riflessjoni jippreżenta tliet xenarji biex jistimola diskussjoni dwar kif għandhom jiġu segwiti l-SDGs fl-UE:

strateġija komprensiva tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli li tiggwida l-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;

it-tkomplija tal-integrazzjoni tal-istrateġiji fil-politiki kollha rilevanti tal-UE mill-Kummissjoni, iżda mhux bl-infurzar tal-azzjoni tal-Istati Membri; u

enfasi aħjar fuq l-azzjoni esterna filwaqt li jiġu kkonsolidati l-ambizzjonijiet attwali fir-rigward tas-sostenibbiltà fil-livell tal-UE.

2.3.3.

Taħlita intelliġenti tal-ewwel żewġ xenarji fis-Semestru Ewropew għandha taqdi rwol deċiżiv fl-implimentazzjoni tal-baġits tal-UE u l-oqfsa ta’ finanzjament tagħhom (bħall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE), billi jsir l-akbar użu possibbli mill-flessibbiltà tal-QFP il-ġdid u b’hekk tiġi żgurata relazzjoni b’saħħitha bejn il-politika ta’ koeżjoni u politiki oħra.

2.3.4.

Tista’ tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-proċess tas-Semestru, komplut b’mudell parteċipattiv ġdid, jitħalla jaqdi rwol aktar effiċjenti u effiċjenti fl-iżvilupp tal-Unjoni,

2.3.5.

Il-Pjan ta’ Investiment tal-UE, jekk jiġi ffinanzjat b’mod adatt, u l-politika ta’ koeżjoni tiegħu lkoll jistgħu jikkontribwixxu hawnhekk, f’koordinazzjoni mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs). Dan jimplika li tiġi permessa flessibbiltà adatta fil-patt ta’ stabbiltà u tkabbir. Kif diskuss f’Opinjoni preċedenti, dan jimplika wkoll finanzjament kontinwu adatt għall-politika ta’ koeżjoni mill-baġit tal-UE (10).

2.4.    Il-politika ta’ koeżjoni u l-proċess tas-Semestru

2.4.1.

Is-sett tal-proposti għar-regolamenti tal-QFP 2021-2027 (dik kumplessiva kif ukoll il-proposti ta’ regolamentazzjoni settorjali) ġab xi elementi ġodda li jistgħu jgħinu jtejbu l-koordinazzjoni u l-prestazzjoni tal-politika ekonomika tal-UE u l-effiċjenza tal-interventi tal-politika ta’ koeżjoni (11). Wieħed mill-aktar elementi importanti huwa d-definizzjoni ta’ relazzjoni ċara bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-proċess tas-Semestru Ewropew u d-diversi passi involuti (12).

2.4.2.

Min-naħa l-oħra, il-proposti għal regolamenti iħallu biżżejjed lok biex jintuża spazju għall-intervent u l-kreattività sabiex din il-kwistjoni tiġi indirizzata b’mod prattiku. Din l-Opinjoni tista’ toffri xi ideat dwar kif għandu jsir dan. L-ewwel nett, il-politika ta’ koeżjoni u s-Semestru Ewropew jistgħu jitqiesu bħala relatati ma’ xulxin; dawn huma marbuta ma’ xulxin mill-qrib u għandhom potenzjal kbir biex itejbu s-sitwazzjoni attwali.

2.4.3.

L-investiment u l-intervent tal-politika ta’ koeżjoni setgħu kienu ffukati b’mod predominanti fuq oqsma enfasizzati mill-proċess tas-Semestru Ewropew, speċjalment fejn id-diskrepanzi fl-investiment ġew identifikati permezz ta’ pjattaformi statistiċi bħat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali. Jeħtieġ li jiġu aġġustati l-perjodi ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-politika (ġeneralment perjodu ta’ seba’ snin għall-politika ta’ koeżjoni għall-kuntrarju ta’ perjodu iqsar, normalment ta’ sena jew sena u nofs, għar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (CSRs)).

2.4.4.

Għal Stat Membru partikolari, dawn jistgħu jiġu ddefiniti permezz ta’ tabella ta’ valutazzjoni għall-indikaturi makroekonomiċi, fiskali u strutturali ewlenin, li tiġi ppubblikata fuq bażi annwali kull Novembru meta jibda ċ-ċiklu l-ġdid tas-Semestru Ewropew, u speċjalment billi tintuża l-proċedura tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, li mbagħad jiġu kkonvertiti f’rapporti tas-CSR.

2.4.5.

Il-proposta l-ġdida għall-QFP 2021-2027 hija bbażata wkoll fuq flessibbiltà msaħħa u konċentrazzjoni tematika. Għalhekk, l-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni jistgħu jiġu aġġustati b’mod flessibbli għall-ħtiġijiet reali speċifiċi għal Stat Membru partikolari.

2.4.6.

Madankollu, id-direzzjonijiet opposti fir-relazzjoni reċiproka jistgħu jindikaw li l-prestazzjoni tas-Semestru Ewropew tista’ sservi bħala strument biex jistimola prestazzjoni tajba jew biex jipprovdi approċċ proporzjonat u ddifferenzjat b’mod ċar għas-sanzjonijiet (13) fil-każ ta’ prestazzjoni dgħajfa (14). Dawk li jagħtu prestazzjoni tajba fis-Semestru Ewropew u li jżommu dixxiplina makroekonomika u jirreaġixxu b’mod responsabbli għas-CSRs jistgħu jiġu mħeġġa b’xi tip ta’ bonus permezz tal-allokazzjoni addizzjonali tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni (FEŻR, FSE+ jew FK); il-bażi finanzjarja ta’ dawk li jagħtu prestazzjoni dgħajfa u dawk li jinjoraw ir-rapporti tas-CSRs tista’ titnaqqas b’mod proporzjonat (15).

2.4.7.

Fil-biċċa l-kbira tagħha, il-proposta l-ġdida għall-QFP 2021-2027 tittratta wkoll is-sinerġiji bejn diversi kapitoli u programmi tal-QFP. Is-Semestru Ewropew jidentifika l-aktar ħtiġijiet ta’ riforma importanti, skont il-perspettiva ta’ kull Stat Membru. Waħda mill-proposti saħansitra tintroduċi Programm ta’ Appoġġ għal Riformi ġdid; dan assolutament jitlob li tiġi adottata sistema ta’ ġestjoni komuni għall-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni u l-Programmi ta’ Appoġġ għal Riformi (16) fil-prattika, dan l-aħjar li jsir huwa fil-livell ta’ programm operazzjonali partikolari tal-politika ta’ koeżjoni. F’dak il-każ, jistgħu jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ottimali għas-sinerġiji (17).

2.4.7.1.

L-istess japplika għall-Programm InvestEU (anke parzjalment ibbażat fuq l-allokazzjoni volontarja tal-Istati Membri tal-finanzjament ta’ koeżjoni għal dan l-istrument finanzjarju ċentralizzat).

2.4.8.

Għall-QFP 2021-2027, jista’ jkun hemm żvantaġġ strateġiku, peress li mhux se jkun hemm aktar suċċessur għall-Istrateġija Ewropa 2020. Hemm dubju serju fir-rigward ta’ jekk id-Dokument ta’ Riflessjoni dwar Futur Ewropew Sostenibbli għandux xi ambizzjoni reali biex jaqdi dan ir-rwol. Reċentement, kellu rwol sostanzjali fid-definizzjoni tal-prijoritajiet li jmiss ta’ investiment tal-politika ta’ koeżjoni speċifiċi għall-pajjiż (Rapporti tal-Pajjiżi, ippubblikat fi Frar 2019 (18)), u tal-ħtiġijiet ta’ investiment (Tbassir tar-Rebbiegħa ta’ Mejju 2019 (19)).

2.4.8.1.

Bħalissa, fil-proċess tas-Semestru u fi strumenti oħra ta’ politika, l-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija tal-UE jinkludu l-punti ta’ kejl ewlenin għall-progress, u jaġixxu bħala punt tat-tluq għal strateġija ġdida għall-2030.

2.4.9.

Fil-każ li t-tħejjija tal-istrateġija l-ġdida għall-2030 tibda tard, jista’ jiġi rrakkomandat li għal perjodu tranżitorju tiġi introdotta prattika biex titħejja strateġija fuq perjodu medju ta’ zmien (u fit-tul) bħala parti mill-passi li fuqhom huwa bbażat is-Semestru Ewropew (pereżempju, il-qafas ta’ tali strateġija 2021+ jista’ jiġi ppubblikat fl-2020 u xi rapporti tal-istatus dwar il-prestazzjoni reali u r-riżultati li jkunu jistgħu jiġu ppubblikati wara dan kull sentejn jew tliet snin).

2.4.10.

B’riżultat ta’ dan, il-KESE qed iqis approċċ strateġiku ġdid li jirriżulta f’politika ta’ koeżjoni li hija ffukata ħafna fuq prijoritajiet reali (ibbażati fuq il-prestazzjoni u orjentati lejn ir-riżultati) li huma tematikament ikkonċentrati, ibbilanċjati tajjeb u integrati, kredibbli (ibbażati fuq analiżi), implimentati b’mod professjonali u li jindirizzaw is-sjieda mill-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti.

2.5.    Ir-rwol tas-Semestru fl-implimentazzjoni tal-koeżjoni soċjali

2.5.1.

It-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u l-ksib mill-ġdid tal-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej huma żewġ elementi li jimxu id f’id.

2.5.2.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jagħmel kontribut importanti għaż-żewġ elementi, billi, fost l-oħrajn, jappoġġja u jiggwida lill-Istati Membri li qegħdin iwettqu riformi sabiex joħolqu impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità għolja b’valur miżjud sinifikanti.

2.5.3.

F’dan ir-rigward, it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali u l-indikaturi tagħha għandhom jintużaw bħala l-għodda ewlenija mhux biss biex titkejjel il-prestazzjoni ta’ reġjun jew Stat Membru fl-oqsma koperti mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda wkoll biex tiġi identifikata kwalunkwe diskrepanza fl-investiment possibbli u biex jiġi mmirat il-finanzjament tal-FSE+ bl-aktar mod effiċjenti.

2.5.4.

Ir-referenza statistika għandha tintuża biex tidentifika diskrepanzi fl-investiment f’kull Stat Membru u biex timmira rakkomandazzjonijiet dwar l-investiment u l-politika fejn ikunu l-aktar utli f’termini ta’ inklużjoni soċjali.

2.5.5.

Għandha tingħata attenzjoni mill-qrib għal xogħol reċenti, l-inugwaljanza bejn il-ġeneri (20), għall-ġlieda kontra l-qgħad u, b’mod partikolari, għaż-żgħażagħ u dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, bħall-persuni b’diżabilità u bżonnijiet speċjali. Għandha tingħata wkoll attenzjoni partikolari lil persuni b’livell baxx ta’ għarfien jew li m’għandhom l-ebda għarfien dwar l-informatika u t-teknoloġija diġitali.

2.5.6.

Il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali għandu jintuża bħala mezz biex jitkejlu r-rakkomandazzjonijiet li jsiru lill-Istati Membri. L-20 prinċipju tal-Pilastru għandhom jintużaw bħala indikaturi biex jiġi vvalutat is-suċċess tal-pajjiżi fl-integrazzjoni tal-impenn tagħhom fil-konfront tal-Pilastru Soċjali fil-politiki ekonomiċi tagħhom.

2.5.7.

Tista’ tqum il-mistoqsija dwar kif għandu jiġi invokat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali matul l-implimentazzjoni tas-Semestru Ewropew biex isaħħaħ u jirrinforza l-proċess, aktar milli jkun ta’ piż żejjed fuqu.

2.5.8.

It-tweġiba pożittiva tfeġġ kontinwament: hemm bżonn ta’ strateġija ddefinita tajjeb b’rabtiet orizzontali u trasversali bejn il-politiki msemmija hawn fuq. Din l-istrateġija komprensiva Ewropea ġdida għall-futur sostenibbli tal-Ewropa tkun tista’ tiggarantixxi l-implimentazzjoni permezz tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni b’saħħtu tas-Semestru.

2.6.    Għandna niżguraw l-ordni fid-diversità

2.6.1.

Fl-Anness għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (21), hemm ġabra komprensiva ta’ politiki Ewropej differenti li, f’konformità mas-sbatax-il SDG, juri l-mod kważi impossibbli li tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejniethom. Barra minn hekk, hemm l-għoxrin objettiv tal-Pilastru. Sabiex tiġi ċċarata u ssemplifikata s-sitwazzjoni, il-politika tal-iżvilupp reġjonali u ta’ koeżjoni għal wara l-2020 iffukat fuq ħames prijoritajiet ta’ investiment:

Ewropa aktar intelliġenti permezz tal-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, it-trasformazzjoni ekonomika u l-appoġġ għal negozji żgħar u ta’ daqs medju;

Ewropa aktar ekoloġika, ħielsa mill-karbonju, li timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi u tinvesti fit-tranżizzjoni tal-enerġija, fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

Ewropa aktar konnessa, b’netwerks tat-trasport u diġitali strateġiċi;

Ewropa aktar soċjali, li timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tappoġġja l-impjiegi ta’ kwalità, l-edukazzjoni u l-ħiliet (fil-fehma tal-KESE it-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja huma ta’ importanza partikolari), l-inklużjoni soċjali u l-aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa;

Ewropa eqreb taċ-ċittadini tagħha, li tappoġġja strateġiji ta’ żvilupp immexxija fuq livell lokali u żvilupp urban sostenibbli (il-KESE jenfasizza d-dimensjoni periferali u rurali) madwar l-UE.

2.6.2.

Biex juri l-kumplessità tal-ħidma fir-rigward ta’ strateġja ġdida u komprensiva għall-Ewropa sal-2030, id-Dokument ta’ Riflessjoni stabbilixxa s-suġġetti ewlenin tal-viżjoni tal-UE għal żvilupp sostenibbli kif ġej:

żvilupp sostenibbli li jtejjeb l-għajxien tan-nies: (f’dan ir-rigward il-KESE qed jenfasizza l-importanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol): il-vantaġġi kompetittivi tal-Ewropa;

l-isfidi globali u fil-livell tal-UE li rridu nindirizzaw;

il-bidla għal Ewropa sostenibbli sal-2030;

l-UE bħala entità bi rwol globali ta’ innovazzjoni fl-iżvilupp sostenibbli;

xenarji għall-futur (22).

2.7.    Il-ħtieġa għal koordinazzjoni ġdida tal-governanza

2.7.1.

Billi tapprofitta mill-opportunità ideali tal-istabbiliment tal-Kummissjoni l-ġdida, l-istrateġija komprensiva għal wara l-2020 b’impetu ġdid, u ffukata fuq l-iżvilupp sostenibbli, se tikkostitwixxi strument għall-azzjoni, filwaqt li se tibni fuq il-proċess tas-Semestru u struttura ta’ governanza ġdida fil-Kummissjoni.

2.7.2.

Fid-dawl tad-defiċit demokratiku u ta’ implimentazzjoni attwali li qed jiġi osservat dejjem aktar, fir-rigward tal-Ewropa 2030, ġiet espressa ħtieġa konsiderevoli minn għadd dejjem akbar ta’ partijiet ikkonċernati għal demokrazija aktar parteċipattiva, relazzjonijiet industrijali mtejba (parteċipazzjoni aħjar tal-ħaddiema) u demokrazija fis-setturi kollha tal-ekonomja u implimentazzjoni effettiva tal-miri tal-istrateġija. Strateġija mġedda fit-tul tista’ taqdi rwol essenzjali fl-implimentazzjoni ta’ governanza ekonomika Ewropea mmirata lejn kompetittività u żvilupp akbar, sakemm din tkun ġiet ikkoordinata kif xieraq taħt is-Semestru.

2.7.3.

Dan jista’ jinkiseb biss billi jittieħdu miżuri deċiżivi, imfassla bir-reqqa biex jiġi ggarantit l-involviment attiv ta’ soċjetà ċivili organizzata fil-proċess. Għalhekk, fl-istruttura tal-KESE jista’ jiġi stabbilit ċentru tal-informazzjoni tat-tip li jservi bħala punt uniku ta’ servizz (23), pjattaforma għall-iskambju tal-informazzjoni, jew xi tip ta’ ċentru ta’ kompetenza virtwali u fiżiku, mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv jew finanzjarju, li r-rwol tiegħu jkun li jikkonċentra fuq l-indirizzar tat-tħassib dwar l-implimentazzjoni relatat mal-Istrateġija UE2030 (bħal sjieda nazzjonali dgħajfa, oqfsa istituzzjonali mhux ċari u subordinazzjoni tal-pilastru soċjali). Sabiex jiġu żgurati koordinazzjoni u razzjonalizzazzjoni effettivi, il-kompiti relatati, il-proċeduri u l-ġestjoni tal-kooperazzjoni fi ħdan l-aġenzija għandhom jiġu kkoordinati fil-livell pan-Ewropew u nazzjonali.

2.7.4.

Il-mudell tal-punt uniku ta’ servizz jista’ jiġi applikat kif xieraq fi kwalunkwe qasam fejn il-punt uniku ta’ aċċess huwa ggarantit bħala l-bażi għal pjattaforma integrata għall-ġbir tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, filwaqt li jiffaċilita aktar it-tfassil tal-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet. Minħabba n-natura konsultattiva tal-kompiti mogħtija lill-KESE, in-netwerk tiegħu ta’ KES nazzjonali u relazzjonijiet interistituzzjonali li huwa stabbilit sew, il-mudell tal-punt uniku ta’ servizz jista’ jkun għodda unika biex jitwettqu konsultazzjonijiet u tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-UE2030. Dan jista’ jinvolvi l-aktar firxa wiesgħa possibbli tal-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili fil-ġbir u fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-kisba tal-prijoritajiet tal-UE2030 fil-livell reġjonali/nazzjonali, kif ukoll fil-livell pan-Ewropew.

2.7.5.

Iċ-ċentru tal-informazzjoni bbażat fuq punt uniku ta’ servizz tal-KESE jista’ jindirizza l-implimentazzjoni kif ukoll it-tħassib dwar id-defiċit demokratiku relatat mal-mod ta’ kif tiffunzjona l-UE. L-istabbiliment tal-Grupp tas-Semestru Ewropew fl-istruttura tas-Sezzjoni tal-ECO kien l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ tip ġdid ta’ ċentru tal-informazzjoni sabiex tiġi ggarantita viżibbiltà akbar għall-KESE fl-ambjent istituzzjonali.

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027, COM(2018)375 final.

(2)  Ftehimiet bejn il-Kummissjoni Ewropea u pajjiżi individwali tal-UE (mhux disponibbli bil-Malti). Dawn jistabbilixxu l-pjani tal-awtoritajiet nazzjonali dwar kif jużaw il-finanzjament mill-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej.

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027, ĠU C 62, 15.2.2019, p. 83; u Opinjoni tal-KESE dwar Il-futur tal-politika ta’ koeżjoni, ĠU C 228, 5.7.2019, p. 50.

(4)  Is-Semestru Ewropew 2019: Komunikazzjoni dwar ir-Rapporti tal-Pajjiżi, COM(2019) 150 final.

(5)  Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u l-Programm InvestEU (2021-2027).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għal wara l-2020, ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar Programm ta’ Appoġġ għal Riformi, ĠU C 62, 15.2.2019, p. 121.

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar Nisimgħu liċ-ċittadini tal-Ewropa għal futur sostenibbli (Sibiu u lil hinn) ĠU C 228, 5.7.2019, p. 37.

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-futur tal-UE: Benefiċċji għaċ-ċittadini u rispett għall-valuri Ewropej, ĠU C 228, 5.7.2019, p. 57.

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-futur tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu wara l-2020, ĠU C 228, 5.7.2019, p. 50.

(11)  QFP għall-2021-2027, COM(2018)321 final u l-Anness tal-QFP għall-2021-2027.

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għal wara l-2020, ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106.

(13)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Nisimgħu liċ-ċittadini tal-Ewropa għal futur sostenibbli (Sibiu u lil hinn), ĠU C 228, 5.7.2019, p. 37, punt 11.4.

(14)  Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027, COM(2018)375 final.

(15)  The legal nature of Country Specific Recommendations (In-natura legali tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi), Parlament Ewropew, Ġunju 2017 (mhux disponibbli bil-Malti).

(16)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Programm ta’ Appoġġ għal Riformi, COM(2018) 391 final.

(17)  Opinjoni tal-KESE dwar Programm ta’ Appoġġ għal Riformi, ĠU C 62, 15.2.2019, p. 121.

(18)  Is-Semestru Ewropew 2019: Komunikazzjoni dwar ir-Rapporti tal-Pajjiżi, COM (2019) 150 final.

(19)  European Economic Forecast. Spring 2019 (mhux disponibbli bil-Malti).

(20)  Opinjoni tal-KESE dwar L-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-swieq tax-xogħol Ewropej, ĠU C 110, 22.3.2019, p. 26, u dwar Kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, punt 1.4, ĠU C 240, 16.7.2019, p. 3.

(21)  Dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi, COM (2018) 375 final.

(22)  Dokument ta’ Riflessjoni – Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030, COM (2019) 22 final.

(23)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u kif jistgħu jinkisbu l-għanijiet tagħha sal-2020, ĠU C 251, 31.7.2015, p. 19


18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/46


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol il-ġdid tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES) fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 353/08)

Relatur: Vladimíra DRBALOVÁ

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.2.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

8.7.2019

Adottata fil-plenarja

17.7.2019

Sessjoni plenarja Nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

156/7/10

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE japprezza l-kontribut tan-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (Netwerk Ewropew tal-PES) għall-immodernizzar u t-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES) u jitlob sinerġija bejn l-istrateġija aġġornata tiegħu li tmur lil hinn mill-2020 u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR).

1.2.

Il-KESE identifika xi oqsma fejn jinħtieġ sforz akbar ibbażat fuq sħubija mal-partijiet ikkonċernati kollha, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-kumpaniji u s-servizzi privati​ tal-impjiegi biex isir sforz miftiehem biex tinkiseb integrazzjoni aħjar tal-persuni li qed ifittxu xogħol fis-suq tax-xogħol.

1.3.

Rwol innovattiv għall-PES fl-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali dwar l-impjiegi u s-suq tax-xogħol u fil-garanzija ta’ servizzi aktar effettivi għall-kumpaniji għandu jkun appoġġjat kif xieraq fuq livell nazzjonali b’kapaċità suffiċjenti, persunal imħarreġ, IT u tagħmir tekniku rilevanti għad-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà, u l-appoġġ finanzjarju.

1.4.

Il-KESE jitlob kooperazzjoni aktar sistematika u strutturali bejn il-PES u fornituri oħra tas-servizzi fl-oqsma soċjali u tal-impjiegi biex jindirizzaw il-firxa multipla ta’ ostakli li qed jaffaċċjaw il-persuni li qed ifittxu impjieg meta jippruvaw jidħlu fis-suq tax-xogħol (kwistjonijiet ta’ saħħa, akkomodazzjoni, trasport). Il-modernizzazzjoni tal-PES hija proċess kumpless, u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni, programmazzjoni, pjanar u diviżjoni tar-responsabbiltajiet fil-livell nazzjonali u/jew reġjonali jwassal għal frammentazzjoni. Il-partiċipazzjoni attiva u regolari tal-imsieħba soċjali fl-attività tal-PES hija fundamentali għall-immappjar tal-opportunitajiet ta’ impjieg u l-għajnuna biex jitlaqqgħu l-ispariġġi fis-suq tax-xogħol.

1.5.

Il-KESE jappella għal sinerġiji aktar mill-qrib bejn is-servizzi tal-PES u l-infrastruttura soċjali u s-sistemi tal-benefiċċji sabiex jiġi pprovdut aktar appoġġ għall-persuni qiegħda meta jkunu qegħdin ifittxu impjieg u biex jiġi evitat li dawk li qed ifittxu impjieg jiġu penalizzati meta jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol.

1.6.

Il-KESE jitlob aktar appoġġ finanzjarju għall-Istati Membri u jittama li l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), li ġie introdott reċentement bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid għall-2021-2027, isir strument ġenwin tal-UE għall-investiment fin-nies u biex jiġi implimentat l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR).

1.7.

Il-KESE jqis li għandhom isiru sforzi ikbar biex jiġu mmonitorjati, evalwati u mqabbla s-servizzi tal-PES biex jiġi evalwat kemm dawn is-servizzi huma effettivi biex jgħinu lill-persuni li qed ifittxu impjieg jidħlu fis-suq tax-xogħol. Standards u linji gwida komuni fil-livell Ewropew jistgħu jgħinu l-effikaċja tal-PES. Sorsi ta’ dataeżistenti bħal-LFS għandhom jiġu utilizzati aktar, u aġenziji bħall-Eurofound jistgħu jgħinu f’tali monitoraġġ.

1.8.

Il-KESE jitlob rieżami tal-arranġamenti eżistenti sabiex jitkejlu l-eżiti tal-programmi ta’ ħidma tal-PES, sabiex jiġi żgurat li s-servizzi jibbenefikaw il-kategoriji kollha tan-nies, speċjalment dawk li għandhom problemi multipli.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) ġie stabbilit wara proklamazzjoni interistituzzjonali mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017 f’Gothenburg matul is-Summit Soċjali tal-UE. L-EPSR għandu jwassal għal enfasi akbar fuq l-aspetti tal-impjiegi u dawk soċjali, u jgħin biex jagħmel il-mudell soċjali Ewropew adattat għall-isfidi tas-seklu 21 u biex jistimula l-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri.

2.2.

L-20 prinċipju ewlenin tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huma strutturati taħt tliet intestaturi ewlenin – opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol; kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Il-kwistjoni ewlenija fl-Ewropa hija l-adozzjoni u l-implimentazzjoni reali tagħhom, minħabba l-bidliet rapidi fl-ambjent soċjali, legali u ekonomiku.

2.3.

Skont l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019, l-ekonomija tal-Ewropa issa qiegħda tidħol fis-sitt sena tagħha ta’ tkabbir mingħajr waqfien. Dan it-tkabbir konsistenti kien akkumpanjat minn irkupru fl-investiment, domanda tal-konsumatur akbar, finanzi pubbliċi aħjar u ħolqien tal-impjiegi kontinwu, għalkemm b’ritmu differenti madwar il-pajjiżi. Dawn l-iżviluppi kkontribwixxew għal titjib sostanzjali fis-swieq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet soċjali. Ir-rata ta’ impjiegi tal-persuni bejn l-20 u l-64 sena żdiedet għal 73,2 % fit-tieni trimestru tal-2018. Ir-rata tal-qgħad niżlet għal 6,8 %, u r-rati tal-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ qed jonqsu wkoll. Madankollu, skont il-Kumitat, hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri, li mhux kollha qed jesperjenzaw l-istess livell ta’ tkabbir fl-ekonomija u fl-impjiegi; trid tingħata attenzjoni partikolari biex titjieb il-kwalità tal-impjiegi maħluqa, mhux l-inqas sabiex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi soċjali.

2.4.

Minħabba l-kundizzjonijiet imtejba tas-suq tax-xogħol, in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali – 113-il miljun persuna fl-2017 – niżel għall-ewwel darba taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi f’xi pajjiiżi. Madankollu, il-faqar fost dawk li jaħdmu għadu għoli u qed jiżdied f’diversi Stati Membri. Ir-riskju ta’ faqar jibqa’ ta’ sfida, b’mod partikolari għat-tfal, il-persuni b’diżabilità u l-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni u l-persuni qiegħda.

2.5.

Ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (JER) jinnota li l-politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol u l-PES huma kruċjali biex jiġu żgurati swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw tajjeb u inklużivi. Il-politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol itejbu l-adattament għas-suq tax-xogħol u jżidu l-possibbiltà li l-persuni li jkunu qed ifittxu impjieg isibu impjieg ġdid.

3.   Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u l-futur tax-xogħol

3.1.

Is-swieq tax-xogħol u s-soċjetajiet qed jevolvu b’rata mgħaġġla, b’opportunitajiet ġodda u bi sfidi ġodda li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni, mir-rivoluzzjoni diġitali, mill-mudelli tax-xogħol li qed jinbidlu u mill-iżviluppi soċjetali u demografiċi. L-isfidi, bħall-inugwaljanzi persistenti, il-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ jew is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, ħafna drabi huma simili fl-Istati Membri, għalkemm f’livelli differenti. Ir-rivoluzzjoni teknoloġika attwali hija kkaratterizzata b’mod partikolari minn rata aktar mgħaġġla ta’ bidla.

3.2.

Il-forza tax-xogħol qatt ma kienet daqshekk diversa u b’livell għoli ta’ edukazzjoni. Il-popolazzjoni attiva tas-seklu 21 hija differenti ħafna u l-attitudni tal-individwi għax-xogħol qed tinbidel. Jekk u meta l-ħaddiema jkunu qed ifittxu iktar libertà fuq ix-xogħol u li jkollhom aktar libertà tal-għażla, waqt li jfittxu impjieg b’mod li jirriżulta fl-individwalizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom ikunu ċċarati permezz ta’ djalogu soċjali u ftehim kollettiv. In-nies għandhom ikunu kapaċi joħorġu l-potenzjal tagħhom, billi jagħmlu użu mill-kwalifiki, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom kollha, u jiksbu impjieg ta’ kwalità u produttiv bi protezzjoni soċjali adegwata.

3.3.

In-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, li ġie stabbilit fis-17 ta’ Ġunju 2014 u li ser jopera sal-31 ta’ Diċembru 2020, għandu rwol importanti. Fl-2018 tnediet evalwazzjoni biex jiġu vvalutati r-rilevanza, l-effiċjenza, l-effettività, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE tad-deċiżjoni tan-Netwerk tal-PES. Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-PES (1), il-KESE approva l-proposta tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi Netwerk Ewropew tal-PES.

3.4.

In-Netwerk Ewropew tal-PES “Strateġija 2020 u lil hinn" jirrifletti l-iżviluppi reċenti fis-swieq tax-xogħol, inklużi ekonomiji ta’ pjattaforma emerġenti, forom ġodda ta’ xogħol, nuqqas ta’ ħaddiema, mobilità tal-ħaddiema, bażi ta’ klijenti tal-PES aktar eteroġena, u l-ħtieġa li jsir użu minn teknoloġiji diġitali ġodda u li jinġabru sorsi ta’ data aktar rikki.

3.5.

Diġà ttieħdu ħafna passi pożittivi fil-livelli nazzjonali u f’koordinazzjoni man-Netwerk Ewropew tal-PES. Il-PES Nazzjonali f’xi pajjiżi għamlu biċċa xogħol tajba fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE li tgħin liż-żgħażagħ, b’mod partikolarti lin-NEETs (dawk li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ), ikollhom tranżizzjoni aktar rapida fis-suq tax-xogħol jew lura għall-edukazzjoni. Il-PES Nazzjonali implimentaw ukoll miżuri mill-inizjattiva tal-UE ffukati fuq integrazzjoni aħjar tal-persuni qiegħda fit-tul permezz ta’ reġistrazzjoni aħjar u kuntratti integrati tax-xogħol. Barra minn hekk, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tar-rifuġjati u dawk li jfittxu l-asil ilha fuq l-aġenda tagħhom sa mill-2015.

3.6.

Madankollu l-esperjenzi tal-KESE juru li l-effettività tal-PES u l-abbiltà tagħhom li jagħtu riżultati f’ċirkostanzi li jinbidlu, li jindirizzaw sfidi ġodda fid-dinja tax-xogħol u li jintegraw b’suċċess in-nies f’dawn is-swieq tranżitorji tax-xogħol huma differenti fl-Istati Membri. Il-kapaċità personali, teknika u finanzjarja tagħhom f’ħafna każijiet, u f’xi Stati Membri, hija sottovalutata.

3.7.

Għandha tkun promossa b’mod aktar effettiv kategorija professjonali speċjali ta’ konsulenti dwar l-impjieg u li tkun żviluppata integrazzjoni xierqa tal-bażi ta’ data għal tqabbil effettiv tal-kumpaniji u l-ħaddiema. F’xi pajjiżi l-PES huma kkomplementati jew sostitwiti minn aġenziji tal-impjiegi privati u minn konsulenti tax-xogħol. Il-kooperazzjoni mal-kumpaniji hija essenzjali, flimkien mal-parteċipazzjoni attiva tal-imsieħba soċjali anke fil-livell lokali sabiex jiġu mmappjati l-opportunitajiet ta’ xogħol fil-livell nazzjonali u territorjali. Ir-rata ta’ suċċess tas-servizzi tal-PES għandha titkejjel ukoll mill-perspettiva ta’ min iħaddem.

4.   Servizzi pubbliċi tal-impjiegi fid-dawl tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

4.1.

Mill-proklamazzjoni tal-EPSR, in-Netwerk nazzjonali tal-PES u n-Netwerk tal-UE tal-PES għandhom ikunu aktar innovattivi fl-appoġġ tal-iskop tal-EPSR u fl-implimentazzjoni tal-prinċipji ewlenin tiegħu.

4.2.

Fl-2017, in-Netwerk Ewropew tal-PES ta kontribut formali għall-konsultazzjoni tal-KE dwar l-EPSR. Fl-2018 abbozza d-dokument tiegħu dwar Xogħol tal-futur. Din l-attività ppreżentat opportunità għan-Netwerk biex jikkunsidra kif l-Istrateġija tal-PES għall-2020 tista’ tiġi adattata biex tiżgura li tibqa’ adegwata għall-iskop waqt li l-PES ifittxu li jilqgħu l-isfidi l-ġodda ta’ suq tax-xogħol li qed jinbidel malajr u biex isiru aġenziji ta’ gwida vokazzjonali ġenwini. Il-PES qegħdin jaħdmu biex jimmodernizzaw l-organizzazzjoni tagħhom bil-għan li jinkisbu servizzi ta’ klassifikazzjoni ta’ “A Tripla” – ability, agility, accountability (fil-kapaċità, l-aġilità u r-responsabbiltà) – għall-klijenti, biex jgħinu joħolqu suq tax-xogħol aktar sostenibbli u inklużiv.

5.   Ir-rwol il-ġdid tal-PES mill-perspettiva tal-KESE

5.1.

Il-KESE jilqa’ l-prijoritajiet stabbiliti fil-Programm ta’ Ħidma tan-Netwerk tal-UE tal-PES għall-2019 u jitlob interazzjoni akbar bejn il-prinċipji tal-EPSR u l-għodod tan-Netwerk għall-valutazzjoni komparattiva u t-tagħlim reċiproku. Dan jista’ jikkontribwixxi kemm għal servizzi tal-PES integrati aħjar kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-EPSR.

5.2.

F’Novembru 2018, l-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol tal-KESE (LMO) organizza konferenza dwar Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-eżempji mogħtija kkonfermaw il-ħtieġa għal komplementarjetà bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u dawk privati u wrew il-benefiċċji konkreti ta’ kooperazzjoni tajba bejn il-PES u l-imsieħba soċjali. Il-proattività tal-PES, il-ħolqien ta’ punt uniku ta’ kuntatt għad-ditti, korsijiet ta’ taħriġ konġunt mill-PES u minn kumpaniji flimkien ġew żvelati li huma kruċjali biex jipprovdu lin-nies b’impjiegi sostenibbli.

5.2.1.

Il-KESE jħeġġeġ li jitfittex rispons aħjar għall-provvista u d-domanda tal-impjiegi, aktar inċentivi kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema (eż. li l-ħaddiema b’pagi baxxi jitħallew iżommu xi benefiċċji soċjali mhux relatati mal-impjiegi) u bilanċ ġust bejn il-flessibbiltà tal-impjieg u s-sigurtà tal-impjieg li twassal għal kuntratti aktar stabbli. L-Ewropa għadha ’l bogħod milli tuża l-potenzjal sħiħ tal-forza tax-xogħol disponibbli. L-Ewropa għandha tappoġġja lill-kumpaniji sostenibbli, b’mod partikolari billi tippermettilhom joħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità u produttivi.

5.2.2.

Il-KESE, fl-Opinjoni tiegħu (2), jinnota li aċċess għas-sistemi tal-protezzjoni soċjali huwa element ewlieni għal soċjetajiet aktar ġusti u fundamentali għal forza ta’ xogħol produttiva, b’saħħitha u attiva. L-UE għandha ttejjeb il-mod kif il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni eżistenti qiegħed jappoġġja lill-Istati Membri biex jitkejjel il-progress għar-riforma u tittejjeb il-prestazzjoni tal-politiki tal-impjiegi tagħhom u s-sistemi nazzjonali tal-protezzjoni soċjali u tal-benesseri. Għandhom jiġu żgurati sinerġiji aktar mill-qrib bejn is-servizzi tal-PES u l-infrastruttura soċjali u s-sistemi tal-benefiċċji sabiex jiġi pprovdut aktar appoġġ għall-persuni qiegħda meta jkunu qegħdin ifittxu impjieg u biex jiġi evitat li dawk li qed ifittxu impjieg jiġu penalizzati meta jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol.

5.2.3.

Mobilità: għall-KESE, il-moviment liberu tal-ħaddiema abbażi tan-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali u t-tneħħija tal-ostakli li fadal għall-mobilità jibqgħu waħda mill-prijoritajiet tal-UE. Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-EURES (3) il-KESE jitlob strument ġenwin għall-adattament tal-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol Ewropew f’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi. Il-mobilità tal-ħaddiema fl-UE kollha hija marbuta mal-isforz kontinwu biex tiġi mmodernizzata s-sistema ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, u biex issir aktar ġusta għall-Istati Membri kollha. B’mod partikolari fil-każ tal-benefiċċji tal-qgħad għal ħaddiema transfruntiera, għandu jiġi applikat il-prinċipju lex loci laboris biex jiġi determinat l-Istat Membru kompetenti, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bejn l-Istati Membri.

5.2.4.

Il-ħiliet orjentati lejn is-suq tax-xogħol: id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni kif iddikjarat fl-ewwel prinċipju tal-EPSR tiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi. Barra minn hekk, in-nuqqasijiet dejjem jiżdiedu fis-suq tax-xogħol madwar l-Ewropa qed ipoġġu t-tkabbir futur f’riskju. Kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn il-PES u l-imsieħba soċjali, il-kumpaniji, il-Kunsilli reġjonali tal-Impjiegi u tal-Ħiliet u strutturi reġjonali rilevanti oħra għandha tissaħħaħ biex jingħelbu d-disparitajiet reġjonali u jiġu offruti gwida professjonali adatta, opportunitajiet ta’ taħriġ ta’ aġġornament u taħriġ mill-ġdid, u trasformazzjoni professjonali għal dawk li qed ifittxu impjieg u għal persuni f’riskju li jitilfu xogħolhom, b’responsabbiltajiet kondiviżi fost l-atturi differenti. Dan għandu jinkludi l-attivazzjoni ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

5.2.5.

Kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali: meta titfassal politika soċjali tal-UE, jeħtieġ li jingħata aktar spazju lill-imsieħba soċjali, b’rispett sħiħ lejn l-awtonomija tagħhom. Fir-rwol tagħhom ta’ atturi ewlenin fis-suq tax-xogħol huma jistgħu, f’kooperazzjoni mal-PES nazzjonali, jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jimmappjaw l-opportunitajiet anke fil-livell lokali, jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet tan-nies lejn jew fis-suq tax-xogħol – biex jappoġġjaw lil dawk li qed ifittxu xogħol waqt it-tfittxija tagħhom u jgħinu lill-kumpaniji bi proċessi ta’ tiftix ta’ riżorsi umani, biex jgħinu liż-żgħażagħ u l-adulti jagħżlu l-iktar perkorsi ta’ ħiliet xierqa (l-ADEM fil-Lussemburgu).

5.2.6.

Is-soċjetà ċivili: il-KESE qed jirrappreżenta diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ressaq bosta opinjonijiet li diġà qed jindirizzaw uħud mill-prinċipji koperti mill-EPSR. Il-valur miżjud tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa li huma viċin is-sitwazzjoni fil-post u familjari mal-ħtiġijiet ta’ gruppi differenti – tal-migranti, tal-persuni b’diżabilità, taż-żgħażagħ, tad-drittijiet tan-nisa – u jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għal xogħol tal-PES aktar immirat(f’dan il-kuntest jista’ jidħol, pereżempju, ir-rwol tal-konsulenti tax-xogħol fl-Italja).

5.2.7.

Kooperazzjoni mas-servizzi privati tal-impjiegi: l-esperjenza turi li l-involviment ugwali u l-integrazzjoni tas-servizzi pubbliċi u privati jista’ jkollhom riżultati effettivi u ta’ benefiċċju f’termini ta’ suq tax-xogħol tassew inklużiv u sostenibbli. Din il-komplementarjetà għandha tkun appoġġjata. Il-previżjonijiet/It-tbassir tas-suq tax-xogħol huma dejjem diffiċli ħafna. Is-suq tax-xogħol jeħtieġ bidla rapida ħafna. Data affidabbli hija essenzjali. Madankollu, is-swieq tax-xogħol inklużivi li qed nitolbu jeħtieġu l-inklużjoni tan-nies kollha.

6.   Differenzi persistenti fl-assistenza tal-PES fil-mira

6.1.

Il-KESE japprezza li l-gruppi fil-mira ewlenin huma koperti kemm fin-netwerks Ewropej tal-PES kif ukoll fil-programmi ta’ ħidma tal-PES nazzjonali. Madankollu, jenfasizza li għad hemm lakuni u l-PES għandhom jintegraw aktar il-prinċipju tad-diversità u n-nondiskriminazzjoni fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom. L-isforz għandu jitkompla jew jiżdied, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

6.1.1.

Iż-żgħażagħ: Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ irdoppja. Il-PSE għandu jinvesti f’approċċ fit-tul biex jipprovdi servizzi liż-żgħażagħ li qed ifittxu xogħol, inkluż użu aħjar tal-ICT u l-għodod tal-web sabiex jissaħħu s-servizzi għall-aktar gruppi vulnerabbli ta’ żgħażagħ, il-PES għandu jsaħħaħ l-assistenza individwali liż-żgħażagħ, jikkoopera mal-familji tagħhom u jinfurmawhom b’mod ġust dwar is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol.

6.1.2.

Adulti: il-popolazzjoni li qed tixjieħ fl-Ewropa, lonġevità akbar fis-soċjetà u l-ħtieġa li titrawwem kooperazzjoni interġenerazzjonali, il-bidliet mgħaġġla fis-suq tax-xogħol, forom emerġenti ta’ xogħol u l-penetrazzjoni ta’ teknoloġiji diġitali fl-aspetti kollha tal-ħajja ta’ kuljum irriżultaw f’domanda dejjem tikber għal ħiliet ġodda u livell ogħla ta’ ħiliet, għarfien u kompetenzi; dan jagħti iktar urġenza lill-ħtieġa li jittejbu l-ħiliet jew jerġgħu jitħarrġu l-persuni kollha li ma kisbux il-ħiliet bażiċi jew li ma kisbux kwalifika biex jassiguraw l-impjegabilità tagħhom u ċ-ċittadinanza attiva.

6.1.3.

Nisa: il-KESE jilqa’ d-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata (WLB) (4), li tgħin lill-ġenituri u lil dawk li jindukraw, u b’mod partikolari lin-nisa, jorganizzaw aħjar ix-xogħol u d-dmirijiet ta’ kuljum tagħhom. Ma’ dan għandu jiżdied l-investiment meħtieġ fl-infrastruttura soċjali, bħall-faċilitajiet ta’ kura għat-tfal u l-anzjani. Dan jinkludi wkoll assistenza effettiva mill-PES nazzjonali biex in-nisa jiġu integrati fis-suq tax-xogħol b’kunsiderazzjoni xierqa għall-approċċ tad-WLB.

6.1.4.

Il-persuni b’diżabilità: il-persuni b’diżabilità jirrappreżentaw madwar wieħed minn kull sitt persuni tal-popolazzjoni globali tal-UE fl-età tax-xogħol, iżda r-rata tal-impjieg tagħhom hija komparattivament baxxa. Dan kien il-messaġġ ewlieni tas-seduta tal-KESE organizzata fl-2017. B’mod partikolari, in-nisa u l-bniet b’diżabilità (5) jkomplu jaffaċċjaw diskriminazzjoni multipla u intersettorjali abbażi kemm tas-sess tagħhom kif ukoll tad-diżabilità tagħhom. Huma ta’ spiss wisq esklużi, fost affarijiet oħra, minn edukazzjoni u taħriġ inklużivi, impjiegi, aċċess għal skemi ta’ tnaqqis tal-faqar, akkomodazzjoni adegwata u parteċipazzjoni fil-ħajja politika u pubblika. Huma jeħtieġu assistenza speċjali u approċċ individwali mill-PES.

6.1.5.

Il-migrazzjoni: il-migrazzjoni legali jista’ jkollha rwol importanti fis-swieq tax-xogħol bi prestazzjoni tajba. Fl-Opinjoni tiegħu (6), il-KESE enfasizza l-importanza ta’ politika ta’ migrazzjoni koerenti u ta’ qafas regolatorju mfassal sew, u jiddikjara li mingħajr migrazzjoni l-mudell ekonomiku u soċjali tal-Ewropa huwa fil-periklu. L-integrazzjoni tar-rifuġjati bid-dritt li jibqgħu fl-Ewropa fit-taħriġ, l-impjiegi u s-soċjetà inġenerali se tibqa’ importanti. Il-PES f’ħafna pajjiżi diġà ħadu numru kbir ta’ inizjattivi biex jikkontribwixxu għal dan.

6.1.6.

Il-minoranza Rom: il-KESE huwa attiv ħafna fi kwistjonijiet marbuta mal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-komunità Rom, u jiffoka fuq integrazzjoni aħjar tar-Rom (7). Il-KESE jista’ jara sinerġija bejn l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ aċċess ugwali tal-EPSR u passi ulterjuri fl-integrazzjoni tar-Rom b’suċċess akbar. L-assistenza lin-nisa Rom b’mod partikolari għandha tkun prijorità għall-PES.

6.1.7.

Il-popolazzjoni inattiva mhijiex grupp ta’ mira tradizzjonali għall-PES, għalkemm parti sinifikanti mill-popolazzjoni inattiva trid taħdem. In-Netwerk Ewropew tal-PES ippubblika studju dwar The role of PES in outreach to the inactive population (Ir-rwol tal-PES fl-involviment tal-popolazzjoni mhux attiva), li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni għall-inattivi b’referenza partikolari għar-rwol tal-PES. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu mill-ġdid il-politiki ta’ riattivazzjoni li huma mmirati lejn din is-sezzjoni tal-popolazzjoni.

7.   Appoġġ kumpless għas-servizzi pubbliċi nazzjonali tal-impjiegi

7.1.

Il-linji gwida Ewropej dwar l-impjiegi 2019 (Linja Gwida 7) jinkoraġġixxu lill-Istati Membri biex iżidu l-effettività tal-politiki attivi tagħhom tas-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jimmiraw għal servizzi pubbliċi tal-impjiegi aktar effettivi billi jiżguraw assistenza f’waqtha u mfassla apposta li tappoġġja lil dawk li qed ifittxu impjieg, jappoġġjaw id-domanda tas-suq tax-xogħol u jimplimentaw ġestjoni bbażata fuq il-prestazzjoni.

7.2.

Biex jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-implimentazzjoni tal-EPSR, il-PES nazzjonali se jkollhom bżonn appoġġ aktar b’saħħtu u kundizzjonijiet xierqa:

7.2.1.

Riżorsi umani suffiċjenti. Is-servizzi kumplessi tal-PES (tfittxija u għażla ta’ rikollokament tal-persunal, pariri u assistenza f’talbiet għal appoġġ ta’ dħul, esperjenzi prattiċi ta’ taħriġ) jirrikjedu persunal imħarreġ b’ħiliet speċjali li jaħdem f’kundizzjonijiet sostenibbli u jikkoopera ma’ konsulenti tax-xogħol u aġenziji privati tax-xogħol.

7.2.2.

L-indirizzar tal-evoluzzjoni teknoloġika. Id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà ġġib għodod ġodda, li jekk jiġu ġestiti sew jistgħu jgħinu lill-PES fir-rwol tagħhom, inkluż it-taħriġ tal-impjegati tal-PES stess, kif ukoll integrazzjoni reali tal-bażijiet tad-data għal tqabbil effettiv tal-kumpaniji u l-ħaddiema, it-tnejn involuti min-naħa tagħhom fl-evoluzzjoni tal-ħiliet u l-kompiti li jirriżultaw mill-era diġitali l-ġdida.

7.3.

Fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat proposta għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027. Il-proposta tirrifletti l-kuntest soċjali u ekonomiku attwali u tipprovdi tweġiba konkreta għas-sejħa tal-Ewropej għal Ewropa aktar soċjali u għal investiment akbar fin-nies madwar l-UE. Il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) huwa strument ewlieni tal-UE għall-investiment fin-nies u l-implimentazzjoni tal-EPSR. Il-PES se jkun iffinanzjat permezz tal-qasam tal-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (“EaSI”) tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+).

7.4.

Ir-responsabbiltajiet il-ġodda tal-PES, b’mod partikolari fil-kuntest tal-politiki attivi dwar l-impjiegi, għandhom jiġu riflessi f’kapaċità u appoġġ finanzjarju xierqa.

7.5.

Il-KESE jitlob kooperazzjoni aktar sistematika u strutturali bejn il-PES u fornituri oħra tas-servizzi fl-oqsma soċjali u tal-impjiegi biex jindirizzaw il-firxa multipla ta’ ostakli li qed jaffaċċjaw il-persuni li qed ifittxu impjieg meta jippruvaw jidħlu fis-suq tax-xogħol (kwistjonijiet ta’ saħħa, akkomodazzjoni, trasport). Il-modernizzazzjoni tal-PES hija proċess kumpless, u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni, programmazzjoni, ippjanar u diviżjoni tar-responsabbiltajiet fil-livell nazzjonali u/jew reġjonali jwassal għal frammentazzjoni.

7.6.

Il-KESE jqis li għandhom isiru sforzi ikbar biex jiġu mmonitorjati, evalwati u mqabbla s-servizzi tal-PES biex tiġi evalwata l-effettività tas-servizzi tagħhom biex jgħinu lil persuni li qed ifittxu impjieg jidħlu fis-suq tax-xogħol. Standards u linji gwida komuni fil-livell Ewropew jistgħu jtejbu l-effikaċja tal-PES u s-sinerġiji fost il-pajjiżi. Sorsi ta’ data eżistenti bħal LFS għandhom jiġu utilizzati aktar, u aġenziji bħall-Eurofound jistgħu jgħinu f’tali monitoraġġ.

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 67, 06.03.2014, p. 116.

(2)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 135.

(3)  ĠU C 424, 26.11.2014, p. 27.

(4)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44.

(5)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 20.

(6)  ĠU C 110, 22.3.2019, p. 1.

(7)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 88.


18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/52


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ngħallmu l-Ewropa — l-iżvilupp ta’ sett ta’ għodod għall-iskejjel”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 353/09)

Relatur: Gerhard RIEMER

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.2.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza (SOC)

Adottata fis-sezzjoni

8.7.2019

Data tal-adozzjoni fis-sessjoni plenarja

17.7.2019

Sessjoni plenarja Nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

191/4/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jinterpreta d-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tal-2015 (1) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2018 (2) bħala mandat ċar mill-Istati Membri appoġġjat mir-riżoluzzjoni tal-PE tal-2016 (3) biex it-tagħlim u l-apprendiment dwar l-“Unjoni Ewropea”jingħata prijorità fuq l-aġenda politika. Dan huwa punt tat-tluq ġdid għall-promozzjoni ta’ dimensjoni Ewropea tat-tagħlim u biex jingħata l-appoġġ neċessarju għall-persunal edukattiv.

1.2.

Il-KESE jemmen li sa ċertu punt hemm nuqqas ta’ informazzjoni fis-settur tal-edukazzjoni f’dak li jirrigwarda fehim ġenerali tal-istudenti dwar ir-rwol tal-UE u l-impatt li din għandha fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Ewropa. Minkejja t-titjib fl-għadd ta’ votanti - minn 42, 61 % (2014) għal 50, 95 % (2019) - ir-riżultati tal-elezzjonijiet riċenti għall-PE juru li għad hemm ħtieġa qawwija li n-nies jiġu infurmati u edukati minn età bikrija dwar l-Unjoni Ewropea.

1.3.

Il-KESE jitlob momentum ta’ attività ġdid fil-qasam tal-Edukazzjoni dwar l-UE. Irid juża t-tieqa ta’ opportunità offruta mit-tiġdid tal-PE, il-KE u b’mod speċjali l-Kummissarju l-ġdid għall-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport. Il-KESE huwa konvint li fokus speċjali fuq l-edukazzjoni dwar l-UE għaż-żgħażagħ irid jitqies bħala essenzjali għal żvilupp progressiv ta’ ċittadinanza Ewropea reali, li hija meħtieġa biex tinbena Unjoni Ewropea robusta.

1.4.

Biż-żewġ opinjonijiet il-ġodda, il-KESE qed jipprova jiffoka kemm jista’ jkun aktar fuq L-Edukazzjoni dwar l-UE (SOC/612) (4) u t-Tagħlim tal-Ewropa fl-iskejjel. Huwa importanti li nerġgħu naħsbu dwar kif għandhom jitrawmu konnessjoni u sensibilizzazzjoni aħjar tal-persuni u bejniethom dwar l-azzjonijiet, l-għanijiet u l-valuri tal-UE. Sabiex dan jintlaħaq, għandhom isiru aktar sforzi sabiex in-nies jiġu infurmati aħjar dwar l-UE, b’mod partikolari, waqt l-edukazzjoni inizjali fl-iskejjel tagħhom, kif ukoll fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) u fl-edukazzjoni għolja u f’kuntest ta’ tagħlim tul il-ħajja.

1.5.

Ittieħdu ħafna miżuri fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri biex tittejjeb is-sitwazzjoni, u fil-livelli nazzjonali u tal-UE hemm disponibbli varjetà ta’ materjali u settijiet ta’ għodod eċċellenti li jistgħu jkunu sors ta’ ispirazzjoni għat-tmexxija ta’ aktar inizjattivi. Madankollu, jeħtieġ li jittejbu ċ-ċarezza, l-aċċessibbiltà u l-informazzjoni ġenerali dwar dak li huwa disponibbli. Ir-riżultati tal-istudju tal-KE tal-2013 (5) jippruvaw li hemm rieda politika ovvja fl-Istati Membri biex tittejjeb il-kwalità ta’ din l-informazzjoni, iżda li għad hemm ħafna x’isir.

1.6.

Il-KESE jaħseb li huwa neċessarju li jitwettaq studju ġdid, bħala riċerka kritika, dwar is-sitwazzjoni attwali fl-Istati Membri fir-rigward tal-edukazzjoni tal-UE fl-iskejjel u fit-taħriġ tal-għalliema u żvilupp professjonali kontinwu. Tkun siewja li ssir analiżi tal-inizjattivi u l-kurrikula eżistenti, speċjalment fl-edukazzjoni primarja u sekondarja, kif ukoll tal-isforzi mwettqa mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali. L-istudju jista’ jkun ibbażat fuq l-Istudju tal-2013 dwar it-Tagħlim tal-Ewropa fl-Iskejjel.

1.7.

Barra minn hekk, inventarju tat-tagħlim u materjali/riżorsi għat-tagħlim li rriżultaw minn proġetti ffinanzjati mill-UE rilevanti jkunu ferm siewja u meħtieġa. Għat-tagħlim fl-iskejjel tista’ tintuża pjattaforma li tiġbor flimkien dawn l-għodod differenti kollha kkategorizzati skont il-lingwa, il-grupp ta’ età u s-suġġett – possibbilment simili għas-sit web “what-Europe-does-for-me”(X’tagħmel l-Ewropa għalija).

1.8.

Il-KESE jaħseb li l-kunċett ta’ kurrikulu għandu jitqies b’mod aktar wiesa’ biex jinkludi l-kurrikulu kokurrikulari, li jirrikonoxxi l-attivitajiet edukattivi ta’ valur li jappoġġjaw it-tagħlim lil hinn mill-klassijiet u s-suġġetti biex l-UE tiġi ppreżentata fil-perspettiva t-tajba liż-żgħażagħ u l-popolazzjoni.

1.9.

Il-KESE jqis li għandu jiġi żviluppat sett ta’ għodod żgħir (“pakkett”bażiku) għal kull skola (student u għalliem) li jgħin biex in-nies kollha jiġu edukati aħjar dwar l-UE. Il-kontenut ta’ tali sett ta’ għodod jista’ jieħu forom differenti u jeħtieġ li jiġi adattat għall-kuntest nazzjonali u reġjonali, u anke għal persuni bi bżonnijiet speċjali.

1.10.

Sabiex jitrawwem appoġġ politiku ulterjuri għat-tisħiħ tal-edukazzjoni dwar l-UE, għandu jiġi stabbilit fil-livell Ewropew Grupp ta’ esperti ta’ livell għoli dwar “Ngħallmu l-Ewropa”, li jkun rappreżentat mill-Istati Membri u li jintegra esperti magħrufa sew. Dan il-grupp jista’ jipprovdi proposti ta’ politika u rakkomandazzjonijiet għal diskussjoni mill-Ministri tal-edukazzjoni, li jistgħu jwasslu għal konklużjonijiet tal-Kunsill.

1.11.

L-għalliema għandhom rwol importanti bħala “arkitetturi tal-futur”. Dawn jeħtieġu fehim aħjar dwar l-UE u l-kompetenza sabiex jgħallmu l-Ewropa lill-istudenti ta’ kull età. Hemm nuqqas ta’ għarfien dwar l-UE u wħud minnhom mhumiex esperjenzati jew kunfidenti biżżejjed biex jgħallmu dwarha fil-klassijiet tagħhom. Għalhekk, il-KESE jitlob fokus ġdid fuq it-taħriġ tal-għalliema fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, u biex l-għalliema jiġu appoġġjati biex jużaw materjal eżistenti u biex jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji diġitali l-ġodda.

1.12.

Il-KESE jemmen fil-Viżjoni li ż-żgħażagħ kollha li jlestu mis-sistema tal-iskola jagħmlu dan b’għarfien bażiku dwar l-UE, tip ta’ “litteriżmu dwar l-UE”. Il-KESE jaf li huwa ta’ sfida kbira iżda anke opportunità li jiġu mgħallma madwar 72 miljun student irreġistrati fl-iskola primarja, f’dik sekondarja tal-ewwel livell u f’dik sekondarja għolja fl-UE, iżda hija sfida li ta’ min wieħed jidħol għaliha. Din tinkludi l-possibbiltà li jkollhom l-opportunità li jżuru l-istituzzjonijiet Ewropej. L-għalliema wkoll għandu jkollhom din l-opportunità sabiex jakkwistaw esperjenza speċjali, jiddiskutu mal-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet differenti (bħall-KESE) u jirritornaw lura f’darhom b’fehim aħjar dwar l-Ewropa, ir-rwol u l-valuri tagħha u kif inhi organizzata.

2.   Tieqa ta’ opportunità – inizjattiva ġdida fil-mument opportun

2.1.

Il-KESE jrid juża t-tieqa ta’ opportunità offruta mit-tiġdid tal-KE u l-PE u b’mod speċjali l-Kummissarju l-ġdid għall-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport biex jiġbed attenzjoni speċjali għat-Tagħlim tal-Ewropa fl-Iskejjel.

2.2.

F’opinjonijiet preċedenti, il-KESE enfasizza l-importanza tal-edukazzjoni dwar l-istorja, il-valuri, id-demokrazija u l-kisbiet u l-importanza tal-UE bħala mod kif l-UE tista’ tkun aktar sinifikanti għaċ-ċittadini tagħha. Is-sistema ta’ edukazzjoni formali għandha influwenza kbira fuq il-perċezzjoni taċ-ċittadini żgħażagħ tad-dinja u għalhekk hija kruċjali fl-iżvilupp tal-fehim tagħhom tal-UE.

2.3.

Din l-Opinjoni taġixxi bħala segwitu għall-Opinjoni SOC/612 biex tiġi appoġġjata, imsaħħa u intensifikata s-sejħa għal azzjoni fil-qasam tal-Edukazzjoni dwar l-UE (6). F’din l-opinjoni, il-KESE jrid ipoġġi aktar enfasi fuq l-Ewropa u l-edukazzjoni dwar l-UE b’mod ġenerali u speċjalment fuq it-Tagħlim dwar l-Ewropa fl-Iskejjel.

2.4.

Il-futur tal-Ewropa u tal-UE se jissawwar u jiġi żviluppat miż-żgħażagħ tagħna – mill-istudenti li qegħdin fil-klassijiet tal-iskola llum, li huma influwenzati mill-ambjent, mill-familji u mill-ħbieb tagħhom. Għalhekk huwa importanti li ninvolvu mill-qrib liż-żgħażagħ tagħna f’suġġetti tal-UE u li niżguraw li l-iskejjel jipprovdu informazzjoni, kif ukoll diskussjonijiet kritiċi u kostruttivi, dwar il-kwistjonijiet tal-UE.

2.5.

Fil-livell tal-Istati Membri, hemm nuqqas ta’ informazzjoni fost iċ-ċittadini dwar l-UE, kif taħdem u x’tagħmel. Dan jinkludi r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-impatt li l-politiki tal-UE għandhom fuq il-ħajja taċ-ċittadini tal-Ewropa. L-edukazzjoni tan-nies dwar l-Ewropa tista’ jew tkun bħala suġġett jew modulu speċifiku, jew tista’ tiġi integrata f’oqsma ta’ suġġett differenti, kif xieraq, filwaqt li tingħata l-libertà lill-awtoritajiet nazzjonali tal-edukazzjoni u l-iskejjel, fid-diversi livelli tal-edukazzjoni.

2.6.

Ir-rwol tal-iskejjel u tal-għalliema, il-limitu sa fejn, u l-mod li bih l-għalliema jedukaw lill-istudenti tagħhom dwar l-UE huma għalhekk ta’ importanza dejjem akbar, speċjalment fid-dawl ta’ Ewroxettiċiżmu dejjem jiżdied f’xi Stati Membri.

2.7.

It-tendenza hi li s-soċjetà tistenna aktar u aktar mill-edukazzjoni formali fl-iskejjel. Tali edukazzjoni, mill-inqas fil-livell primarju u sekondarju, għandu jkollha l-għan li tipprovdi lill-istudenti l-ħiliet u l-kompetenzi li jeħtieġu biex jaħsbu b’mod kritiku, biex jitgħallmu jinterpretaw u janalizzaw l-informazzjoni u biex jiżviluppaw l-opinjonijiet tagħhom stess, minflok ma tkun proċess ta’ tagħlim immexxi mill-fatti. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ opinjoni informata dwar l-UE. L-iskejjel ma jistgħux jagħmlu kollox, għalhekk hija koordinazzjoni aħjar bejn id-diversi strutturi ta’ edukazzjoni formali, mhux formali u informali li se tikkontribwixxi għas-suċċess tal-proġett Ewropew. Għandu jingħad ukoll li aktar ma ż-żgħażagħ jiltaqgħu ma’ aspetti tal-Ewropa kmieni u jiksbu “ħeġġa għall-Ewropa’, dawn aktar se jħossuhom “Ewropej”.

2.8.

Fl-istess ħin, dan ipoġġi ċertu aspettattiva fuq l-għalliema li r-responsabbiltajiet tagħhom qegħdin jiżdiedu. Għalhekk huwa importanti li l-għalliema jkomplu jiġu appoġġjati aktar billi jsiru disponibbli settijiet ta’ għodod għat-tagħlim prattiċi, b’firxa wiesgħa ta’ materjali lesti għall-użu dwar suġġetti differenti, xierqa għal etajiet differenti u disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE, u filwaqt li jitqiesu sitwazzjonijiet speċifiċi fl-Istati Membri.

3.   Ir-responsabbiltà tal-UE u tal-Istati Membri

3.1.

M’hemm l-ebda dubju li r-responsabbiltà ewlenija għall-edukazzjoni u t-taħriġ hija tal-Istati Membri. Madankollu, minħabba l-funzjoni komplementarja tagħha, l-UE jista’ jkollha rwol aktar b’saħħtu biex tipproponi miżuri u attivitajiet speċjali biex jittejjeb l-għarfien ġenerali tal-UE. Il-KESE jemmen li issa huwa l-aħjar żmien biex naġixxu.

3.2.

Abbażi tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi (7) ffirmata mill-mexxejja tal-UE f’Marzu 2015, il-KESE jinterpreta r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2018 (8) bħala mandat ċar mill-Istati Membri biex it-tagħlim dwar l-“Ewropa”jingħata prijorità fuq l-aġenda politika. Dan huwa punt tat-tluq ġdid għall-promozzjoni ta’ dimensjoni Ewropea tat-tagħlim u l-appoġġ neċessarju għall-persunal edukattiv.

3.3.

L-UE kienet qiegħda tittratta l-edukazzjoni u t-taħriġ b’mod intensiv fis-snin reċenti, iżda reċentement bdiet ukoll bis-suġġett dwar “It-Tagħlim tal-Ewropa fl-Iskejjel”.

3.3.1.

Fl-2011-2013, il-Kummissjoni implimentat l-inizjattiva “Learning EU @ School”(It-tagħlim tal-UE fl-iskejjel) fuq it-talba tal-PE. Din ġiet segwita mir-riżoluzzjoni tal-PE dwar “It-tagħlim tal-UE fl-Iskejjel” (9) fl-2016, li b’mod ċar enfasizzat l-importanza ta’ dan is-suġġett u tat rakkomandazzjonijiet konkreti għal-livelli tal-UE u tal-Istati Membri li mill-perspettiva tagħna għadhom jimmeritaw appoġġ u li għandhom ikunu bażi għal inizjattivi ġodda. Il-KESE jirrikonoxxi u jappoġġja inizjattivi tal-PE u tal-Kummissjoni u jittama ħafna li din l-inizjattiva tal-KESE tagħti impetu ġdid u b’saħħtu għal futur ġdid.

3.3.2.

Il-Qafas Ewropew dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja (10) ġie aġġornat fl-2018 u jiddefinixxi l-kompetenzi li kull ċittadin Ewropew jeħtieġ għas-sodisfazzjon u l-iżvilupp personali, l-impjieg, l-inklużjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva. Bħala parti mill-qafas rivedut hemm taqsima dwar is-sensibilizzazzjoni u l-espressjoni kulturali. Din tinkludi l-iżvilupp ta’ għarfien dwar kulturi u espressjonijiet lokali, nazzjonali, reġjonali, Ewropej u globali fosthom il-lingwi, il-wirt u t-tradizzjonijiet, u l-prodotti kulturali tagħhom, u l-fehim ta’ kif dawn il-forom ta’ espressjonijiet jistgħu jinfluwenzaw lil xulxin kif ukoll lill-ideat tal-individwu. Minn dan tista’ tittieħed ispirazzjoni sabiex jiġu aġġornati l-kurrikula tal-iskejjel kif ukoll il-programmi ta’ tagħlim mhux formali u informali sabiex jedukaw lin-nies dwar l-UE.

3.3.3.

Il-programm Erasmus li kien suċċess inkredibbli, għandu jkompli jkun opportunità biex wieħed jitgħallem dwar l-UE. Fit-32 sena li għaddew, aktar minn 10 miljun persuna bbenefikaw mill-Erasmus (11). Skont il-proposta tal-Kummissjoni, il-programm tal-Erasmus il-ġdid tal-2021-2027 jipprevedi baġit irduppjat meta mqabbel ma’ dak preċedenti, minn kważi 15 għal 30 biljun u jipprevedi l-appoġġ għal attivitajiet li jgħallmu u jispjegaw l-UE. Pereżempju, għandu jkun hemm opportunità biex l-inizjattivi Jean Monnet jappoġġjaw azzjonijiet lil hinn mill-edukazzjoni għolja f’oqsma oħra tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

3.3.4.

Għaż-żgħażagħ hemm xi programmi oħrajn tal-UE li huma importanti u rnexxew. DiscoverEU (12) jagħti liż-żgħażagħ tagħna l-opportunità li jivvjaġġaw bil-ferrovija b’xejn madwar l-Ewropa biex jiskopru mhux biss il-pajsaġġi impressjonanti tal-Ewropa u biex jiltaqgħu ma’ vjaġġaturi tal-istess fehma iżda anke biex iżidu l-indipendenza u l-kunfidenza tagħhom kif ukoll biex jesploraw l-identità tal-UE tagħhom. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (13), huwa inizjattiva oħra tal-UE li toffri opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jagħmlu volontarjat jew jaħdmu fi proġetti f’pajjiżhom stess jew barra mill-pajjiż u li jgawdu minnhom komunitajiet jew nies madwar l-Ewropa.

3.4.

L-Istati Membri għandhom rwol ċentrali fl-edukazzjoni. L-istudju tal-Kummissjoni (2013) (14) juri li hemm rieda politika ovvja fl-Istati Membri biex tittejjeb din l-informazzjoni, iżda għad hemm ħafna x’isir. L-istudju jidentifika dak li huwa effettiv biex jiżviluppa l-fehim tal-istudenti dwar l-UE u jipprovdi rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni, u għad-diversi msieħba involuti, speċjalment l-għalliema. Xi Stati Membri integraw tagħlim dwar l-UE fil-kurrikula u fil-programmi tagħhom ta’ taħriġ għall-għalliema. Madankollu ftit li xejn hemm evidenza li dak li jiġi mgħallem dwar l-“Ewropa”huwa mfassal b’mod progressiv biex iwassal lill-istudenti minn fatti bażiċi lejn fehim aktar kumpless. Barra minn hekk, il-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, li huwa essenzjali għall-parteċipazzjoni ċivika, huwa suġġett pjuttost minsi meta mqabbel ma’ fatti oħra aktar bażiċi. Barra minn hekk, dan l-istudju importanti huwa bbażat fuq data li għandha aktar minn 10 snin.

3.5.

Fl-Istati Membri kollha jeżistu xi attivitajiet li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti nazzjonali għal tagħlim dwar l-“Ewropa”. L-iskejjel, l-NGOs, il-fondazzjonijiet jew l-universitajiet li jaħdmu mal-iskejjel u l-għalliema huma diġà attivi biex jippruvaw itejbu l-mod li bih tiġi mgħallma l-“Ewropa”. Jeżistu organizzazzjonijiet informati u impenjati li jaħdmu fuq dan is-suġġett fil-prattika madwar l-Ewropa. Ħafna inizjattivi huma ffinanzjati mill-UE, iżda mhux kollha. L-eżistenza ta’ dawn l-attivitajiet turi li hemm domanda u ħtieġa għal żvilupp ulterjuri biex jiġi appoġġjat it-tagħlim dwar l-“Ewropa”.

3.6.

L-eżistenza ta’ dawn l-attivitajiet turi li hemm domanda u ħtieġa għal żvilupp ulterjuri biex jiġi appoġġjat it-tagħlim dwar l-“Ewropa”. Hemm hafna inizjattivi għaddejjin li jikkonċernaw informazzjoni kif ukoll programmi tas-soċjetà ċivili, inklużi inizjattivi tal-imsieħba soċjali, iżda l-istudju tal-Kummissjoni tal-2013 (15) juri li l-informazzjoni u l-programmi tal-iskola jistgħu jkunu strutturati aħjar.

3.7.

Ta’ min wieħed isemmi l-inizjattiva proprja tal-KESE “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek”(YEYS) (16) li hija wkoll eżempju ta’ prattika tajba.

4.   Proposti u inċentivi politiċi għal implimentazzjoni

4.1.

L-UE, speċjalment il-Kummissjoni l-ġdida u l-Kummissarju l-ġdid għall-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport, għandhom iqisu kif jista’ jiġi żviluppat momentum ġdid mal-Istati Membri sabiex tiġi promossa diskussjoni ġenerali intensiva dwar ir-rwol tat-tagħlim tal-Ewropa fl-iskejjel.

4.2.

Għandu jitnieda studju ġdid dwar is-sitwazzjoni attwali fl-Istati Membri dwar l-edukazzjoni tal-UE fl-iskejjel biex jitlestew u jiġu aġġornati l-attivitajiet eżistenti sabiex jingħataw aktar evidenza u aktar gwida tal-politiki bbażata fuq l-evidenza. Dan l-istudju għandu jkun il-bażi għal inizjattivi ġodda mmirati lejn il-ġbir tal-eżempji, it-tqabbil tal-każijiet differenti ta’ prattika tajba, id-diskussjoni dwarhom u l-wiri ta’ riżultati.

4.3.

Minbarra l-istudju l-ġdid il-Kummissjoni għandha tipproduċi inventarju tat-tagħlim u l-materjali/riżorsi tat-tagħlim kollha li l-proġetti ffinanzjati mill-UE l-aktar rilevanti ilhom jipproduċu mill-2010 dwar suġġetti relatati mat-tagħlim dwar l-UE fl-iskejjel (eż. proġetti ffinanzjati permezz tal-inizjattivi Jean Monnet, b’deskrizzjoni fil-qosor għal kull wieħed minnhom).

4.4.

Il-KESE jitlob l-istabbiliment ta’ Grupp ta’ livell għoli - Ngħallmu l-Ewropa” b’esperti mill-Istati Membri fuq livell Ewropew biex jitrawwem l-appoġġ politiku għat-tisħiħ tal-edukazzjoni dwar l-UE. Fuq bażi volontarja jista’ jiġi mistħarreġ jekk hemmx modi u mezzi komuni biex in-nies jiġu edukati b’fatti u informazzjoni bażiċi dwar l-integrazzjoni Ewropea. Barra minn hekk, jista’ jiżviluppa rakkomandazzjonijiet għal diskussjoni mill-Ministri tal-Edukazzjoni. Dawn jistgħu jwasslu għal konklużjonijiet tal-Kunsill.

4.5.

Għandu jiġi introdott ukoll (fuq bażi volontarja) Jum tal-UE fl-iskejjel fl-Istati Membri. Din l-inizjattiva l-ġdida tipprovdi opportunità ffokata biex jiġu diskussi suġġetti relatati mal-UE b’mod intensiv, pożittiv u li jħares ’il quddiem fi klassijiet madwar l-Ewropa kollha u biex jintużaw u jiġu implimentati s-settijiet ta’ għodod.

4.6.

Inizjattivi u programmi tas-soċjetà ċivili – kif ukoll dawk organizzati mill-imsieħba soċjali - fil-qasam tal-edukazzjoni dwar l-Ewropa għandhom jintlaqgħu tajjeb. Dawn għandhom ikunu involuti f’diskussjonijiet, fl-implimentazzjoni, fit-tħejjija u/jew fl-għażla ta’ pakketti ta’ prattika tajba għal diskussjoni tematika fl-iskejjel; f’diskussjonijiet dwar l-importanza u r-rwol futur tal-UE (17). Hemm għadd ta’ programmi eżemplari li għaddejjin bħalissa. Madankollu, l-impatt tagħhom jista’ jkun ħafna akbar, jekk jiġu integrati f’aġenda aktar wiesgħa ta’ kurrikula u attivitajiet tal-iskola.

5.   L-iżvilupp ta’ sett ta’ għodod għall-iskejjel

5.1.

Ħafna riżorsi għat-tagħlim dwar l-UE diġà huma disponibbli minn diversi sorsi. Hemm ammont kbir ta’ materjali u settijiet ta’ għodod speċjalment fil-livell tal-UE. Madankollu, dawn mhux dejjem jinstabu faċilment, speċjalment jekk wieħed ma jkunx konxju tal-eżistenza tagħhom. Għalhekk il-fokus ma għandux ikun fuq il-ħolqien ta’ għodod għat-tagħlim ġodda. Minflok, dawk eżistenti jeħtieġ li jiġu adattati, imtejba u kkomunikati (eż. dwar ir-Rokna tat-Tagħlim). Dan jista’ jsir billi tinħoloq pjattaforma onlajn unika li fiha jinġabru l-għodod għat-tagħlim minn dawn is-sorsi differenti kollha.

Hawnhekk l-għalliema se jkunu jistgħu jagħżlu materjali abbażi tas-suġġett u tal-grupp ta’ età li jkunu qed jgħallmu, b’mod simili għas-sit web “What europe does for me” (18) (X’tagħmel għalija l-Ewropa) li l-PE ħoloq qabel l-elezzjonijiet tal-PE tal-2019.

5.2.

Minbarra l-għalliema, il-ġenituri u adulti oħra għandhom ukoll influwenza sinifikanti fuq il-perċezzjoni taż-żgħażagħ tal-UE. Għalhekk, sett ta’ għodod għat-tagħlim dwar l-UE fl-edukazzjoni formali għandu jkun akkumpanjat minn opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għall-adulti. Fid-dawl tal-kwistjonijiet attwali rigward informazzjoni ħażina, dan għandu jinkludi l-għoti ta’ informazzjoni lin-nies dwar fejn jistgħu jsibu informazzjoni affidabbli dwar l-UE.

5.3.

L-iżvilupp ta’ settijiet ta’ għodod huwa responsabbiltà kondiviża, ir-responsabbiltà ewlenija hija tal-Istati Membri. Suġġetti relatati ma’ kwistjonijiet Ewropej għandhom jitfasslu primarjament fil-livell tal-UE u dawk relatati ma’ kwistjonijiet tal-Istati Membri fil-livell nazzjonali. Kotba, vidjows, CDs jew apps se jinkludu dimensjoni nazzjonali flimkien mad-dimensjoni tal-UE. Kif u sa fejn jintuża l-kontenut tat-tagħlim għandu jiġi deċiż mill-Istati Membri u huwa r-responsabbiltà tal-għalliema u l-iskejjel rispettivi tagħhom. Użu aħjar u aktar intensiv tal-materjal eżistenti huwa kruċjali, speċjalment tal-links eżistenti bħar-Rokna tat-Tagħlim tal-UE eċċellenti, fejn il-preżentazzjoni ta’ materjali hija waħda eċċezzjonali.

5.4.

Ir-Rokna (19) għandha suġġetti popolari għall-iskejjel primarji u sekondarji b’materjali skont il-gruppi ta’ età, testijiet tal-għarfien u għadd pjuttost kbir ta’ għodod speċifiċi li jvarjaw minn kotba ta’ attività, skedi informattivi, logħob u għodod ta’ tagħlim għal vidjows.

Il-gruppi ta’ età jibdew minn taħt id-9 snin għal aktar minn 15-il sena. L-istudenti jistgħu jsibu logħob, kompetizzjonijiet u kotba ta’ attività biex jgħinuhom jiskopru l-UE b’mod divertenti. L-għalliema wkoll jistgħu jsibu sorsi ta’ materjal ta’ tagħlim għall-gruppi ta’ età kollha sabiex jgħinu lill-istudenti jitgħallmu dwar l-UE u kif taħdem. Dawn jistgħu jispiraw ruħhom ukoll għall-pjani tal-lezzjonijiet u jiskopru opportunitajiet ta’ netwerking ma’ skejjel u għalliema oħra madwar l-UE. Hemm bżonn ta’ komunikazzjoni aħjar tal-informazzjoni, flimkien mal-Istati Membri, dwar kif għandhom jintużaw. Hemm varjetà kbira ta’ settijiet ta’ għodod disponibbli fil-livell tal-UE.

5.5.

Hemm varjetà kbira ta’ settijiet ta’ għodod disponibbli fil-livell tal-UE. L-użu tagħhom jiddependi fuq firxa ta’ kriterji: l-istadju tal-edukazzjoni, is-suġġett, is-sistema tal-edukazzjoni u n-natura partikolari tal-politika tal-edukazzjoni fl-Istati Membri. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ pakkett bażiku (sett ta’ għodod żgħir), ikkonċentrat biss fuq suġġetti, għal kull skola fl-UE u li dan jintuża għal sensibilizzazzjoni intensiva ġdida. Dan il-pakkett għandu jkun disponibbli, f’kollaborazzjoni mal-ministeru tal-edukazzjoni tal-Istati Membri, għall-iskola kkonċernata, flimkien ma’ materjal speċifiku għal dak il-pajjiż u f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet involuti tal-UE u ma’ organizzazzjonijiet bħall-imsieħba soċjali.

Il-pakkett għandu jkun disponibbli onlajn, fuq is-sit web tal-iskola kif ukoll permezz ta’ punti ta’ kuntatt reġjonali u tal-UE, u jinkludi eż.:

sett kumpatt u faċli biex jinqara ta’ kotba żgħar, fuljetti għall-għalliema u l-istudenti (20);

vidjow jew film qasir maħluq għal kull pajjiż u magħmul minn nies li jkunu ġejjin minn dak il-pajjiż;

selezzjoni ta’ materjali offruti fil-livell tal-UE immirati lejn it-tagħlim tal-UE fl-iskejjel. Dawn għandhom ikunu mmirati speċifikament lejn id-diversi livelli tat-tagħlim fl-iskejjel (skejjel preprimarji, primarji, sekondarji u terzjarji), kif ukoll għal-links onlajn ewlenin, inkluża r-Rokna tat-Tagħlim;

materjal mill-Istati Membri b’eżempji tanġibbli ta’ prattika tajba.

5.6.

L-aspirazzjoni għandha tkun li kull student li jlesti mis-sistema tal-iskola jagħmel dan b’għarfien bażiku tal-UE, tip ta’ litteriżmu dwar l-UE. Il-KESE jaf li hija sfida kbira li jintlaħqu u jingħata tagħlim lil madwar 72 miljun student irreġistrati fl-iskola primarja, dik sekondarja tal-ewwel livell u dik sekondarja għolja fl-UE. Dan jinkludi l-opportunità għall-istudenti biex iżuru istituzzjonijiet Ewropej u jingħataw ħarsa ġenerali lejn l-UE u l-istorja tagħha (Dar l-Istorja Ewropea). L-għalliema wkoll għandu jkollhom l-opportunità li jidħlu f’kuntatt intensiv mal-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jakkwistaw esperjenza speċjali, jiddiskutu mal-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet differenti (bħall-KESE) u jirritornaw lura f’darhom b’fehim aħjar dwar l-Ewropa, ir-rwol u l-valuri tagħha u kif inhi organizzata.

5.7.

Dan il-“litteriżmu dwar l-UE”għandu jiġi appoġġjat minn sett ta’ għodod għal-livelli differenti, bħal:

Fil-livell tal-iskola primarja, l-istudenti għandhom jitgħallmu dwar il-kulturi u t-tradizzjonijiet ta’ pajjiżi oħra tal-UE, bħal-lingwi, l-ikel, il-mużika, il-vaganzi, il-ġeografija u l-ilbies u ż-żfin tradizzjonali tagħhom.

Fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja, l-istudenti għandhom jiġu introdotti għal “fatti (aktar) sodi”dwar l-UE u jibdew jiżviluppaw sens ta’ responsabbiltà ċivika. Is-sett ta’ għodod għandu jkopri suġġetti li jinkludu l-istorja tal-UE, il-kisbiet ewlenin tal-UE (bħall-kontribut tagħha għall-paċi), l-istituzzjonijiet tal-UE, il-politiki tal-UE, l-elezzjonijiet tal-UE, il-litteriżmu fil-midja u l-ħsieb kritiku dwar stejjer ta’ aħbarijiet u l-fatt li wieħed ikun ċittadin attiv.

Għall-edukazzjoni terzjarja, is-sett ta’ għodod għandu jipprovdi aktar informazzjoni profonda, pereżempju dwar il-politiki tal-UE, l-istrutturi politiċi, l-ekonomija, is-suq tax-xogħol, il-kwistjonijiet ta’ politika soċjali, il-mobbiltà u d-drittijiet u s-sħubija soċjali. Din tista’ tinkludi wkoll għodod imfassla għal gruppi professjonali speċifiċi bħal ġurnalisti jew politiċi lokali/reġjonali.

5.8.

Ir-rwol importanti u kruċjali tal-għalliema

5.8.1.

L-għalliema għandhom rwol importanti ħafna bħala arkitetturi tal-futur. Programm speċifiku għall-għalliema huwa kruċjali, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjoni speċifika u l-ħtiġijiet fl-Istati Membri. Illum il-ġurnata, ħafna għalliema ma għandhomx għarfien dwar l-UE u mhumiex kunfidenti biżżejjed biex jgħallmu dwarha fil-klassijiet tagħhom.

5.8.2.

L-għalliema jeħtieġu fehim aħjar dwar l-Ewropa sabiex ikunu mħejjija biex jgħallmu l-Ewropa lill-istudenti minn età bikrija. Wieħed mill-għanijiet tal-edukazzjoni tal-għalliema għandu jkun li l-għalliema jkollhom fehim aħjar dwar il-proċess istituzzjonali ta’ integrazzjoni u li jkunu jistgħu jużaw l-approċċ didattiku ġdid sabiex jispjegaw b’mod aktar ċar lill-istudenti tagħhom. Dawn se jkollhom jittrattaw ukoll kunċetti didattiċi ġodda tal-edukazzjoni.

5.8.3.

Il-KESE jilqa’ l-pjattaforma modernizzata u ċentralizzata msejħa r-Rokna tat-Tagħlim (21) imnedija reċentement fuq EUROPA. Ir-Rokna tat-Tagħlim hija mmirata prinċipalment lejn l-istudenti tal-iskejjel primarji u sekondarji, l-għalliema u l-ġenituri tagħhom. Din tiġbor f’post wieħed logħob, kwizzijiet, materjali tat-tagħlim żviluppati mill-KE u l-istituzzjonijiet l-oħra, u tiffoka fuq l-UE u l-benefiċċji tagħha għaċ-ċittadini tal-Ewropa. eTwinning huwa l-akbar netwerk tal-għalliema fid-dinja. Aktar minn 680 000 għalliem irreġistraw fuq l-eTwinning li jippermetti lill-għalliema joħolqu proġetti konġunti, itejjeb il-kompetenzi tal-għalliema u huwa kruċjali fil-bini ta’ sens ta’ appartenenza Ewropew. L-għalliema għandhom ikunu infurmati aħjar dwar din l-għodda.

5.8.4.

Il-KESE jaħseb li għandu jkun possibbli li ċerti istituzzjonijiet li huma appoġġjati finanzjarjament mill-UE, speċjalment l-Istitut Universitarju Ewropew u l-Kulleġġ tal-Ewropa, jipprovdu taħriġ dwar kwistjonijiet Ewropej lil dawk kollha li jipprovdu taħriġ għall-għalliema fl-UE. Barra minn hekk, l-istudenti tal-Erasmus+ (22) u l-akkademiċi ta’ Jean Monnet għandu jkollhom rwol importanti fl-iskejjel biex jaġixxu bħala ambaxxaturi għall-UE.

5.8.5.

Il-KESE jqis ukoll li huwa importanti li l-KE stabbiliet Bord tal-Ittestjar tal-Għalliema magħmul minn għalliem/a wieħed/waħda tal-iskola primarja u għalliem/a wieħed/waħda tal-iskola sekondarja mill-Istati Membri kollha, magħżula mir-Rappreżentanzi tal-KE. Il-bord jagħti pariri dwar il-kontenut u l-istil tal-materjal tat-tagħlim li jkun qed jiġi żviluppat mis-servizzi tal-KE. Dan jista’ jkun utli ħafna biex jiżgura li dak li jiġi offrut jirrifletti x-xejriet u l-ħtiġijiet attwali.

5.8.6.

Lil hinn mit-tagħlim tal-Ewropa fis-settur tal-edukazzjoni, huwa importanti li l-informazzjoni tkun aċċessibbli wkoll għall-pubbliku ġenerali, pereżempju f’libreriji pubbliċi u spazji pubbliċi oħra.

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi, 17.3.2015

(2)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2018), ST/9010/2018/INIT

(3)  Riżoluzzjoni tal-PE (2016) (2015/2138(INI))

(4)  ĠU C 228, 05/07/2019, p. 68.

(5)  Learning Europe at School (It-tagħlim tal-Ewropa fl-Iskejjel), Studju tal-KE, 2013.

(6)  ĠU C 228, 05/07/2019, p. 68.

(7)  Id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi, 17.3.2015

(8)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2018), ST/9010/2018/INIT

(9)  Riżoluzzjoni tal-PE (2016) (2015/2138(INI))

(10)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2018/C 189/01).

(11)  KE, “Investing in people”(Ninvestu fin-nies), Mejju 2018

(12)  https://europa.eu/youth/discovereu_mt

(13)  COM(2018) 440 final.

(14)  Learning Europe at School (It-tagħlim tal-Ewropa fl-Iskejjel), Studju tal-KE, 2013.

(15)  Ibid.

(16)  KESE, L-Ewropa Tiegħek, Leħnek

(17)  The Future Evolution of Civil Society in EU by 2030 (L-Evoluzzjoni Futura tas-Soċjetà Ċivili fl-UE sal-2030).

(18)  https://what-europe-does-for-me.eu/

(19)  Rokna tat-Tagħlim.

(20)  L-eżempju Awstrijak: fuljett żgħir u qasir differenti għall-għalliema u għall-istudenti bil-links nazzjonali u Ewropej kollha għas-siti web b’kumment qasir dwar suġġetti differenti

(21)  Rokna tat-Tagħlim.

(22)  ĠU C 228, 05/07/2019, p. 68.


18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/59


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-perspettiva industrijali settorjali ta’ rikonċiljazzjoni tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 353/10)

Relatur: Aurel Laurențiu PLOSCEANU

Korelatur: Enrico GIBELLIERI

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.1.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-CCMI

3.6.2019

Adottata fil-plenarja

17.7.2019

Sessjoni plenarja Nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

148/3/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-industriji Ewropej li jużaw ħafna riżorsi u enerġija (REIIs) huma ta’ importanza strateġika għall-ktajjen ta’ valur industrijali tal-UE. Il-politika tal-UE dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima titlobhom iwettqu trasformazzjoni profonda, u investiment enormi, sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika qabel l-2050.

1.2.

L-għan tas-sistema attwali għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS) huwa li tinċentiva dan l-investiment billi tistabbilixxi prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, b’rekwiżiti kontradittorji: (1) il-ksib tal-għanijiet klimatiċi jirrikjedi prezzijiet ogħla, iżda (2) il-kompetizzjoni esterna tal-REIIs tesiġi li huma jkunu allinjati mal-prezzijiet baxxi jew saħansitra ineżistenti ta’ kompetituri esterni.

1.3.

Fis-sitwazzjoni attwali ta’ prezzijiet diverġenti għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-swieq globali, il-KESE jinsab imħasseb dwar ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jew tal-investiment (il-produzzjoni jew l-investiment isiru fejn ma tapplikax l-ETS) fl-REIIs, kif ukoll dwar it-telf ta’ impjiegi b’riżultat ta’ dan.

1.4.

F’Opinjoni preċedenti (1), il-KESE appella għal ETS globali sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fil-kompetizzjoni internazzjonali bejn l-REIIs. Madankollu, din it-tama s’issa ġiet injorata.

1.5.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu rrikonċiljati l-politiki industrijali u tal-enerġija mal-politika dwar il-klima sabiex jiġi mmobilizzat l-investiment enormi li sar neċessarju minħabba t-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku mingħajr emissjonijiet tal-karbonju għal REIIs, li għandha tkun “tranżizzjoni ġusta”, fejn l-imsieħba soċjali huma involuti b’mod attiv fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tagħha.

1.6.

L-investiment mill-UE u mill-Istati Membri għandu jkollu impatt fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fuq l-użu ta’ teknoloġiji b’livell baxx jew bl-ebda emissjonijiet ta’ karbonju għal REIIs, inkluża l-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika addizzjonali li jeħtieġu, u fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-forza tax-xogħol tagħhom. Taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (2021-2027), il-finanzjament inkluż għal dan l-għan fil-proposta tal-Kummissjoni għall-programm InvestEU, u għall-programmi ta’ investiment oħrajn li se jkunu marbuta miegħu, għandu għalhekk jiżdied.

1.7.

Il-KESE beħsiebu jikkontribwixxi għar-riflessjoni dwar l-istrateġija industrijali fit-tul mitluba mill-Kunsill Ewropew (2), billi jeżamina l-fattibbiltà teknika u legali ta’ waħda minn fost il-bosta għażliet ta’ politika li bħalissa jinsabu fl-isfera pubblika: l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri (BAMs) għall-prezz intern tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, abbażi tal-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-metalli, sustanzi kimiċi u materjali bażiċi integrati fl-oġġetti industrijali. Huwa jinnota li, fl-2014, huwa kien ġibed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi eżaminat u, potenzjalment, jiġi introdott mekkaniżmu ta’ dan it-tip, fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar “Strumenti bbażati fuq is-suq – Ekonomija tal-UE b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju” (3), iżda ma ngħatax rispons adegwat mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni tapprofondixxi r-riflessjoni tagħha dwar din l-għażla u għażliet oħra ta’ politika, bħal ETS riformata, mekkaniżmi ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera (4), rata tal-VAT aġġustata għall-intensità tal-karbonju (5), u tqabbilhom f’termini ta’:

impatt fuq ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u tal-investiment, f’sitwazzjoni futura ta’ prezzijiet ogħla u disponibbiltà aktar baxxa ta’ kwoti tal-ETS fl-UE;

ċertezza legali dwar il-konformità mar-regoli tad-WTO

aċċettabbiltà mill-imsieħba kummerċjali

fattibbiltà teknika, speċifikament fir-rigward tal-eżistenza ta’ standards ta’ kontabbiltà u ta’ kejl aċċettati globalment u ta’ bażi ta’ data affidabbli u rikonoxxuti.

1.9.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tinvolvi ruħha minn kmieni f’konsultazzjonijiet mal-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-UE sabiex tittestja l-fehmiet tagħhom dwar l-għażliet ikkunsidrati.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.    Id-dilemma tal-politika dwar il-klima applikata għall-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija

Il-politika dwar il-klima hija kkonfrontata b’diffikultà inerenti.

2.1.1.

Minn naħa waħda, l-għan ta’ din il-politika huwa li b’mod ambizzjuż jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (kemm mill-kombustjoni tal-fjuwils fossili kif ukoll mill-proċessi industrijali). Il-mira għall-UE hija li tintlaħaq in-newtralità tal-karbonju sal-2050, kif imħeġġeġ mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjaneta Nadifa għal Kulħadd”. Permezz ta’ dan it-tnaqqis, it-tisħin globali għandu jibqa’ ferm inqas minn 2 °C, u jekk jista’ jkun inqas minn 1,5 °C, b’mod li jkun kompatibbli ma’ agrikoltura li tkun tissodisfa l-ħtiġijiet alimentari tal-bniedem. F’ekonomija tas-suq, għodda effiċjenti ħafna hija li jiġi stabbilit prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. B’dan il-mod, l-atturi ekonomiċi jistgħu jagħżlu li jew jinvestu b’mod profittabbli f’tagħmir jew proċessi li jiffrankaw l-emissjonijiet (inklużi l-Ġbir u l-Ħżin/Użu tal-Karbonju) jew jiffrankaw il-flus billi jnaqqsu l-konsum tagħhom ta’ materjali (eż. billi jużaw prodotti li jdumu aktar) jew jibdlu x-xiri tagħhom ta’ materjali għal dawk li jipproduċu inqas emissjonijiet ta’ gassijiet serra (bħall-materjali riċiklati). Sabiex dan il-metodu jkun effettiv, il-prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jrid ikun għoli u prevedibbli biżżejjed biex jistimola l-investiment jew il-bidla fl-imġiba.

2.1.2.

Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-enerġija jirrappreżentaw proporzjon għoli tal-ispejjeż totali għal REIIs: 25 % għall-azzar, 22-29 % għall-aluminju (6), 25-32 % għall-ħġieġ (7).

2.1.3.

Jekk l-ispiża tal-enerġija tiżdied minħabba prezz għoli allokat għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE meta mqabbel ma’ prezzijiet f’postijiet oħra, u minħabba investiment bikri u fuq skala kbira f’teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet fl-REIIs u fil-kapaċitajiet relatati ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, tat-trasport u ta’ ħżin li huma meħtieġa biex isostnuhom (8), li joħolqu spejjeż ta’ amortizzament għoljin, tiġi pperikolata l-kompetittività esterna ta’ REIIs ibbażati fl-UE. Minkejja l-isforzi tagħhom għal effiċjenza fl-enerġija, dawn jispiċċaw jipproduċu bi prezzijiet ogħla mill-kompetituri esterni tagħhom. F’dawn is-swieq, bi prodotti standardizzati ħafna, prezz ogħla jwassal għal telf fis-sehem mis-suq u telf ta’ impjiegi relatati. Jekk dan iseħħ, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jiġu sempliċiment trasferiti mill-produtturi tal-UE għall-produtturi f’postijiet oħra (li ħafna drabi jkunu inqas effiċjenti fl-enerġija), trasferiment, li fl-aqwa xenarju, ma jħalli l-ebda effett fuq l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra. Dan il-fenomenu huwa magħruf bħala “rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju”. F’xenarju kompetittiv globali fejn il-prezz tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jkun żero, dan jissarraf fil-ħtieġa li l-prezz tal-karbonju jiġi stabbilit fl-iktar livell baxx possibbli – u saħansitra jkun żero.

Dan il-fenomenu huwa akkumpanjat minn dak tar-“rilokazzjoni tal-investiment”. Anke bi prezz baxx għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE, l-inċertezza dwar l-iżvilupp tiegħu diġà qed tfixkel l-investiment fil-manutenzjoni u l-aġġornament ta’ siti industrijali REII, li jwassal għal telf ieħor ta’ kompetittività li huwa tħassib kbir ħafna għall-produtturi tal-UE. Ir-rilokazzjoni tal-investiment għal REIIs ibbażati fl-UE jiżdied b’mod drammatiku jekk il-prezzijiet għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jkunu għoljin minbarra li jkunu volatili.

2.1.4.

Is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) hija t-tentattiv attwali min-naħa tal-UE biex tistabbilixxi prezz għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Fil-biċċa l-kbira tagħha hija ma kinitx effettiva: il-prezz tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ilu baxx għal diversi snin (minkejja li dan żdied reċentement) iżda volatili biżżejjed biex jiġġenera rilokazzjoni tal-investiment. Barra minn hekk, hija kumplessa u mimlija eżenzjonijiet. Raġuni waħda strutturali għal din il-kumplessità u n-nuqqas ta’ effettività tista’ tkun li s-sistema ETS ma kinitx kapaċi ssolvi d-diffikultà inerenti, deskritta hawn fuq, abbażi ta’ rekwiżiti konfliġġenti għal prezzijiet għoljin u baxxi għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

Għalhekk jista’ jkun hemm il-ħtieġa li tinstab soluzzjoni għal din id-dilemma u jiġu rrikonċiljati l-għanijiet ta’ politika konfliġġenti (1) tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u (2) tal-kompetittività esterna ta’ REIIs Ewropej, filwaqt li jitqiesu l-objettivi ta’ politika l-oħra kollha, bħall-kummerċ ħieles u ġust, fil-qafas tal-istrateġija industrijali fit-tul mitluba mill-Kunsill Ewropew.

2.2.    Miżuri korrettivi fil-fruntieri bħala soluzzjoni possibbli

2.2.1.

L-għażla ppreferuta mill-istituzzjonijiet tal-UE biex tissolva din id-dilemma hija ETS unika u globali li tistabbilixxi prezz dinji għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Madankollu, din it-tama ġiet injorata. L-iżviluppi ġeopolitiċi riċenti fid-direzzjoni lejn l-unilateraliżmu ftit jipprovdu tama li tali ftehim dinji jintlaħaq maż-żmien.

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea (ir-riċiklaġġ tar-rikavat tal-ETS għall-industrija, l-appoġġ għall-innovazzjoni, il-kwoti bla ħlas, l-awtorizzazzjoni għall-Istati Membri biex jikkumpensaw għal spejjeż indiretti …) jistgħu ma jagħtux biżżejjed salvagwardji kontra r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jew tal-investiment f’sitwazzjoni ta’ politiki klimatiċi asimmetriċi u żieda fl-ambizzjonijiet tal-UE dwar il-klima. Din hija r-raġuni għaliex diversi kienu dawk li appellaw għal approċċi alternattivi għar-rikonċiljazzjoni tal-għanijiet tal-politika dwar il-klima mal-kompetittività esterna ta’ REIIs, bħala soluzzjoni possibbli. Dawn l-approċċi huma relatati mal-kunċett ta’ miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri kif definit mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). L-għan ta’ din l-Opinjoni hija li tiġi esplorata l-fattibbiltà teknika u legali ta’ din l-għażla, permezz ta’ proposta konkreta.

2.3.

Il-prinċipji legali tad-WTO: miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri għat-taxxi interni fuq il-konsum ma għandhomx jiddiskriminaw kontra l-atturi ekonomiċi esterni

2.3.1.

Il-prinċipju tal-miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri huwa kif ġej: meta taxxa interna fuq il-konsum hija stabbilita f’ġurisdizzjoni, hemm ir-riskju li l-produtturi lokali (li huma soġġetti għal din it-taxxa) jitqiegħdu fi żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla mal-kompetituri esterni tagħhom (li mhumiex soġġetti għaliha), kemm fis-suq intern (fejn il-kompetizzjoni hija bejn il-produtturi u l-importaturi lokali), kif ukoll fis-swieq tal-esportazzjoni. L-awtoritajiet ta’ din il-ġurisdizzjoni jistgħu jerġgħu jistabbilixxu l-kompetizzjoni ġusta billi: (1) jimponu taxxa fuq il-prodotti importati u (2) jirrifondu t-taxxa fuq l-oġġetti esportati.

2.3.2.

Sakemm dawn issodisfaw ċerti kundizzjonijiet, il-miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri relatati mal-prodotti kienu aċċettati bħala legali skont id-WTO, mingħajr ma tqajjem l-ebda tħassib dwar il-protezzjoniżmu, wara li saret reviżjoni ta’ tali aġġustamenti fl-1970 (9) (Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Aġġustamenti Kummerċjali fil-Fruntieri). Dawn il-kundizzjonijiet jiddisponu li l-atturi ekonomiċi esterni ma għandhomx jiġu ddiskriminati (l-Artikoli II-2a, III-2 u VI-4 tal-Ftehim tal-GATT (10)), li f’dan il-każ ifisser li: l-oġġetti importati għandhom iħallsu taxxa li ma tkunx ogħla minn dik li jħallsu l-produtturi lokali u li r-rifużjoni fuq l-oġġetti esportati ma għandhiex tkun ogħla mit-taxxa li diġà tħallset fis-suq lokali.

2.4.    Il-mekkaniżmi previsti: sistema ta’ kontabbiltà trasparenti għall-esportaturi; l-importaturi jħallsu biss għall-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-materjali bażiċi

2.4.1.

Il-mekkaniżmi previsti sabiex tiġi adattata l-idea ġenerali tal-miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri fil-kuntest tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra huma dawn li ġejjin:

sabiex jiġi ddeterminat l-ammont li għandu jiġi rimborżat lill-esportaturi, sistema ta’ kontabbiltà trasparenti żżomm rekord tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkorporati f’kull oġġett industrijali, u tgħaddi tali ammont tul il-katina tal-valur, bħala linja addizzjonali fil-fatturi;

l-importaturi jħallsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkorporati fil-materjal bażiku użat biex jiġu mmanifatturati l-oġġetti industrijali, iżda mhux l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra użati biex dawn jiġu ttrasformati jew jingħataw il-forma tagħhom, jew fir-rigward tal-ispostamenti loġistiċi tagħhom. Din hija approssimazzjoni tajba ħafna, peress li aktar minn 90 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ oġġett industrijali huma inkorporati fil-materjali bażiċi. Dan jipprovdi evidenza indisputabbli għall-awtorità doganali biex tiddetermina l-bażi għat-taxxa (in-natura u l-piż ta’ kull materjal). Dan joffri vantaġġ żgħir lill-importaturi, għalhekk huma ma jistgħux isostnu li qegħdin jiġu ddiskriminati.

Dawn il-mekkaniżmi huma ppreżentati u diskussi f’aktar dettall hawn taħt.

2.5.    Ir-rifużjoni tal-prezz tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkorporati fi prodotti esportati hija kwistjoni ta’ kontabbiltà

2.5.1.

Is-sistema tkun kif ġej. Meta REII jkollha tħallas għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħha (fil-forma ta’ kwoti tal-ETS mixtrija bi prezz varjabbli għal kull kilogramma ta’ CO2eq fis-suq jew fil-forma ta’ taxxa fuq il-karbonju bi prezz fiss), din jeħtiġilha żżomm rekord ta’ dan il-pagament (u tal-volum sottostanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra) fis-sistema tal-kontabbiltà tagħha, u tgħaddih lill-klijenti tagħha fil-fatturazzjoni tagħha (inkluż amortizzament tal-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fit-tagħmir tagħha). B’hekk terġa’ tintuża s-sistema eżistenti u elaborata tal-kontabbiltà tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li ġiet żviluppata fl-UE sabiex jiġu kkalkulati l-kwoti mingħajr ħlas għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u li tikkostitwixxi vantaġġ ċar. L-esperjenza miksuba matul dawn l-aħħar ħamsin sena u aktar fir-rigward tal-VAT għandha turi l-fattibbiltà teknika ta’ din l-iskema ta’ trasferiment tal-ispejjeż.

2.5.2.

Il-pożizzjoni fil-katina tal-provvista, li fiha dan il-pagament għandu jkun inkluż fil-fatturi, għad trid tiġi definita. Jekk il-pagament jitgħadda lill-konsumatur finali, dan ikollu l-konsegwenzi li ġejjin:

dan iqarreb l-iskema proposta lejn il-mudell ta’ taxxa interna fuq il-konsum, bħal VAT jew sisa, li fir-rigward tagħha, id-WTO aċċettat b’mod espliċitu l-leġittimità tal-miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri, u b’hekk tiżdied iċ-ċertezza legali;

jiġi evitat li l-kumpaniji intermedji jkunu penalizzati;

dan jinċentiva l-imġiba tal-konsumatur lejn għażliet li ma jagħmlux ħsara lill-klima.

2.5.3.

Meta kumpanija tesporta oġġett li jinkorpora l-ispejjeż għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, din imbagħad jeħtiġilha tislet mis-sistema ta’ kontabbiltà tagħha l-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-prodott esportat, u tara li dan il-kontenut jiġi rimborżat mill-Istat (billi terġa’ tbigħ il-kwoti ETS korrispondenti fis-suq, jew billi tingħata rifużjoni tat-taxxa fuq il-karbonju) għall-volum tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jinsabu fil-prodott.

2.5.4.

Jekk tinżamm l-allokazzjoni attwali bla ħlas tal-kwoti tal-ETS għall-produtturi tal-UE bl-aħjar prestazzjoni, din ir-rifużjoni ssir bi spiża medja ta’ kwota tal-ETS fil-livell tal-ekonomija tal-UE, ibbażata fuq il-prezz tas-suq immedjat u l-proporzjon ta’ kwoti bla ħlas mogħtija lill-produtturi tal-UE.

2.5.5.

Din is-sistema ta’ kontabbiltà turi li l-esportatur qed jingħata lura l-ispiża eżatta għall-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet serra li kienu ġew inkorporati fil-prodott tul il-katina tal-provvista. L-esportatur mhux qed jingħata vantaġġ mhux mistħoqq, u s-sistema hija għalhekk konformi mar-rekwiżiti tad-WTO. Din il-korrettezza hija aktar faċli li tiġi pprovata fuq bażi ta’ każ b’każ meta jiġi ffissat il-prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (bħal taxxa fuq il-karbonju). Madankollu, din hija valida biss, bħala medja, bejn l-ispekulaturi ixxurtjati u dawk mhux ixxurtjati fis-swieq tal-ETS, u bejn il-produtturi tal-UE bi prestazzjoni għolja u dawk bi prestazzjoni baxxa li jirċievu allokazzjonijiet differenti ta’ kwoti tal-emissjonijiet bla ħlas, meta l-prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jkun varjabbli (bħal f’suq tal-ETS).

2.6.    Il-miżura korrettiva tal-oġġetti importati tista’ tkun ibbażata fuq il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-metalli, sustanzi kimiċi jew materjali bażiċi inkorporati

2.6.1.

Il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ oġġett industrijali jista’ jinstab essenzjalment fil-materjali tiegħu.

Il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ oġġett industrijali jista’ jinqasam fi tliet komponenti ewlenin, li kull wieħed minnhom jikkorrispondi għal kategoriji differenti ta’ operazzjonijiet li jżidu l-valur:

il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-metalli, sustanzi kimiċi u materjali bażiċi li jiffurmaw il-prodott, direttament jew indirettament (eż. azzar, etilen, benżen, ammonijaka, aċidu idrokloriku, ħġieġ, injam, …);

il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-operazzjonijiet industrijali li jittrasformaw u jiffurmaw il-metalli, is-sustanzi kimiċi jew il-materjali bażiċi (eż. il-polimerizzazzjoni, ix-xogħol bil-forma, l-immaxinjar, il-qtugħ, …);

il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet fl-operazzjonijiet loġistiċi fis-sit u bejn siti differenti fl-istadji varji li jżidu l-valur.

Il-maġġoranza vasta tal-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ prodott industrijali huwa dak tal-metalli, sustanzi kimiċi u materjali bażiċi inkorporati (speċifikament meta ma jkunux riċiklati). L-eżempju ta’ biċċa azzar pproċessata minn makkinarju, fejn l-enerġija użata fil-proċess tammonta għal 2,8 kWh (11), filwaqt li l-enerġija inkorporata fil-materjal tammonta (12) għal 117 kWh, jiġifieri 40 darba aktar, juri l-ordni ta’ kobor tal-piż relattiv bejn dawn il-komponenti. Fil-każ ta’ fertilizzanti, plastiks, elastomeri, solventi, lubrikanti u fibri tessili, proporzjon dominanti ħafna tal-kontenut tal-gassijiet serra tal-prodott finali jinsab fis-sustanzi kimiċi bażiċi li minnhom ġew manifatturati, li jistgħu jitnaqqsu mill-formula tagħhom. Dan ifisser li l-kontenut sħiħ tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ prodott industrijali jista’ jiġi approssimat abbażi tal-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-metalli, sustanzi kimiċi u materjali bażiċi inkorporati (13).

2.6.2.   Komputazzjoni tal-miżura korrettiva applikabbli għal oġġetti importati

2.6.2.1.

Sabiex l-awtoritajiet doganali responsabbli mill-ġestjoni tal-miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri jaħdmu b’mod effiċjenti u b’ċertezza legali, kemm għalihom infushom kif ukoll għal kumpanija li timporta li taġixxi in bona fede, kemm il-bażi tat-taxxa kif ukoll ir-rata tat-taxxa jridu jiġu stabbiliti li jħallu marġni minimu għall-interpretazzjoni jew għat-tilwim legali.

Ir-rata tat-taxxa fir-rigward tal-ipprezzar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra hija jew rekwiżit biex jinxtraw kwoti tal-ETS għall-volum tal-emissjonijiet inkorporati fil-prodott importat, bl-istess prezz għal kull kwota tal-ETS bħal fil-każ ta’ rifużjoni lill-esportaturi (fil-każ ta’ sistema bbażata fuq is-suq), jew ir-rata tat-taxxa fuq il-karbonju (fil-każ ta’ sistema ta’ rata fissa).

2.6.2.2.

Il-bażi tat-taxxa trid tkun verifikabbli billi jiġi analizzat il-prodott innifsu, li huwa l-inqas prova disputabbli. Fil-każ inkwistjoni, il-bażi ta’ taxxa ideali tkun il-kontenut sħiħ tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-oġġett importat.

Id-determinazzjoni tal-kontenut kollu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ prodott industrijali hija diffiċli minħabba l-kumplessità tal-operazzjonijiet kollha li jżidu l-valur li jkunu sarulu tul il-katina tal-valur, li ħafna minnhom ma jħallu l-ebda traċċa fil-prodott innifsu.

L-għażla proposta hija li tintuża l-approssimazzjoni sempliċi iżda fattibbli deskritta hawn fuq: il-kontenut kollu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-oġġett importat jiġi approssimat permezz tal-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-metalli, sustanzi kimiċi jew materjali bażiċi li huma inkorporati, li jkun limitat għal dawk li jirrappreżentaw aktar minn eż. 1 % tal-massa totali. Il-mikroelettronika, li tiġġenera emissjonijiet kbar ta’ gassijiet serra minkejja l-massa żgħira tagħha, xorta waħda tiġi inkluża fil-kalkolu.

Il-kontenut totali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-materjali preżenti fl-oġġett jiġi kkomputat kif ġej: il-massa ta’ kull tip ta’ metall, sustanza kimika jew materjal bażiku preżenti fl-oġġett ta’ proporzjon sinifikanti tiġi mmultiplikata bl-intensità tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ dan il-metall, sustanza kimika jew materjal bażiku (jiġifieri l-emissjonijiet tal-gassijiet serra preżenti f’kull kilogramma ta’ dan il-metall, sustanza kimika jew materjal bażiku).

L-intensità medja tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-livell ta’ kull pajjiż diġà ġiet determinata għall-biċċa l-kbira tal-metalli, sustanzi kimiċi u materjali bażiċi. Iċ-ċifri huma disponibbli f’firxa ta’ bażijiet tad-data pubblikament disponibbli (elenkati eż. fil-Protokoll dwar il-gassijiet serra (14)), ibbażati fuq metodoloġiji tal-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja żviluppati sew, inkluż fir-rigward taċ-Ċina.

2.6.2.3.

Sabiex tiġi mħeġġa u kkumpensata l-intensità aktar baxxa tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-faċilitajiet individwali u d-divulgazzjoni ta’ data, qed jiġi propost il-mekkaniżmu ta’ ċirku virtuż li ġej.

Jekk produttur jista’ juri b’mod affidabbli l-intensità reali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, dan il-valur japplika għall-prodotti tiegħu li jiġu importati fl-UE. Jekk, min-naħa l-oħra, ma tiġi pprovduta l-ebda data affidabbli, tiġi użata l-intensità medja tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-pajjiż tal-oriġini, u din il-medja tiġi kkalkulata fuq il-bqija tal-produzzjoni u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra residwi, wara li jitnaqqsu dawk iġġenerati minn produtturi li pprovdew data affidabbli.

B’hekk, il-produtturi li l-aktar li jirrispettaw il-klima f’pajjiż se jkunu involuti mill-ewwel fl-eżerċizzju tal-kontabbiltà (sabiex ma jiġux penalizzati bl-applikazzjoni tal-medja nazzjonali tagħhom). B’riżultat ta’ dan, il-medja nazzjonali, wara li l-produtturi “virtużi”jitneħħew mill-komputazzjoni, maż-żmien tibda tiddeterjora, u b’hekk tinċentiva lill-produtturi oħra biex jipprovdu data affidabbli.

2.6.2.4.

L-UE tista’, barra minn hekk, tipprovdi appoġġ tekniku għal kumpaniji minn pajjiżi terzi fl-istabbiliment ta’ sistemi affidabbli ta’ kontabbiltà tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u b’hekk iżomm il-pożizzjoni favorevoli tagħha fil-konfront tal-imsieħba kummerċjali.

2.6.2.5.

Sabiex jiġi evitat li atturi bla skrupli jattribwixxu l-intensità baxxa tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn faċilità waħda għall-produzzjoni ta’ oħra, tista’ tiġi żviluppata u użata sistema ta’ traċċabbiltà, eż. ibbażata fuq il-blockchain.

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 71, 24.2.2016, p. 57, §1.9.

(2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Marzu 2019, EUCO 1/19.

(3)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1.

(4)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2015 dwar l-iżvilupp ta’ Industrija Ewropea sostenibbli tal-metalli komuni (2014/2211(INI)).

(5)  A. Gerbeti, CO2 in goods and European industrial competitiveness, Editoriale Delfino (2014) (mhux disponibbli bil-Malti) u A. Gerbeti, A Symphony for energy: CO2 in goods, Editoriale Delfino (2015) (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  A. Marcu, W. Stoefs: “Study on composition and drivers of energy prices and costs in selected energy-intensive industries”.

CEPS, 2016, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/20355(mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  C. Egenhofer, L. Schrefler: “Study on composition and drivers of energy prices and costs in selected energy-intensive industries. The case of the flat glass industry”, CEPS, 2014, disponibbli fuq: https://www.ceps.eu/system/files/Glass.pdf(mhux disponibbli bil-Malti)

(8)  Skont studju ta’ T. Wyns (“Industrial Value Chain: A Bridge towards a Carbon Neutral Europe”, VUB-IES, 2018, disponibbli fuq: https://www.ies.be/node/4758(mhux disponibbli bil-Malti), fl-immappjar ta’ 11-il REII Ewropea, l-użu fuq skala wiesgħa ta’ metodi teknoloġiċi b’livell baxx ta’ CO2 ikun jeħtieġ bejn 2 980 TWh u 4 430 TWh ta’ enerġija elettrika addizzjonali kull sena.

(9)  GATT, “Report by the Working Party on Border Trade Adjustments”, 1970, disponibbli fuq: https://www.wto.org/gatt_docs/English/SULPDF/90840088.pdf, speċifikament § 4, 11 u 14 (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  Disponibbli fuq: https://www.wto.org/english/res_e/booksp_e/analytic_index_e/gatt1994_e.htm

(11)  Yohei Odaa, et al.: “Energy Consumption Reduction by Machining Process Improvement”, 3rd CIRP Conference on Process Machine Interactions (3rd PMI), 2012, disponibbli fuq: http://isiarticles.com/bundles/Article/pre/pdf/17172.pdf(mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Inventory of Carbon and Energy (IEC), disponibbli fuq: http://www.circularecology.com/embodied-energy-and-carbon-footprint-database.html(mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  Dawn l-emissjonijiet huma ġeneralment pożittivi. Dawn jistgħu jkunu negattivi fil-każ ta’ materjali li jkunu tkabbru b’mod sostenibbli, b’bażi bijoloġika (eż. l-injam).

(14)  Il-lista sħiħa tal-bażijiet ta’ data li jipprovdu data dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal diversi materjali u proċessi hija disponibbli fuq: http://www.ghgprotocol.org/life-cycle-databases(mhux disponibbli bil-Malti).


18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/65


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Il-promozzjoni ta’ ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra u alternattivi fl-UE: ir-rwol tal-agroekoloġija”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 353/11)

Relatur: Geneviève SAVIGNY

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.1.2019

Bażi legali

Artikolu 32 tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

28.6.2019

Adottata fis-sessjoni plenarja

17.7.2019

Sessjoni plenarja Nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

135/7/21

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

F’din l-Opinjoni l-KESE jenfasizza li l-ktajjen tal-provvista qosra u l-agroekoloġija huma orizzonti ġodda għall-agrikoltura Ewropea. Għal aktar minn 50 sena, waqt li dawn l-approċċi innovattivi kienu qegħdin jiffaċċjaw il-globalizzazzjoni tas-sistemi tal-ikel, ġew strutturati, ġew studjati f’għadd ta’ programmi ta’ riċerka nazzjonali u Ewropej, ġew appoġġjati fl-iżvilupp tagħhom minn fondi pubbliċi u privati u attiraw dejjem aktar bdiewa ġodda f’dawn is-sistemi. Għalhekk, il-kapaċità u r-rilevanza tal-agroekoloġija u tal-ktajjen tal-provvista qosra biex ilaħħqu mal-isfidi tal-ikel ġew ikkonfermati. Dawn jistgħu jkunu pilastru essenzjali ta’ politika dwar sistemi sostenibbli tal-ikel u dwar il-ksib tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fi żmien għaxar snin (2030).

1.2.

Fl-Ewropa kollha qegħdin jiżviluppaw sistemi innovattivi li jqarrbu lill-konsumaturi u lill-produtturi, bħas-CSA (community supported agriculture, agrikoltura sostnuta mill-komunità) u qegħdin jinħolqu forom oħrajn ta’ “basktijiet”. Ħafna minn dawn il-produtturi jipprattikaw il-biedja organika jew forom oħrajn mhux tikkettati ta’ metodi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. L-awtoritajiet lokali u reġjonali spiss ikunu involuti, billi jistabbilixxu sistemi lokali ta’ governanza alimentari li jlaqqgħu flimkien l-atturi differenti u jippromovu b’mod partikolari l-użu ta’ prodotti lokali fil-forniment tal-ikel tal-massa. Il-bejgħ f’ċirkwit qasir huwa tabilħaqq opportunità għal strutturi żgħar biex iżidu l-valur miżjud u l-qligħ tal-irziezet. Din ir-rilokalizzazzjoni ġġib l-impjiegi u d-dinamiżmu lokali, b’impenn qawwi mill-bdiewa li jippratikawha.- Għall-kosumaturi, hija sors ta’ prodotti friski u ta’ kwalità tajba, imżewqa bi storja u b’relazzjonijiet umani, u mod kif wieħed jieħu interess u jitgħallem dwar l-ikel u l-valur tal-prodotti.

1.3.

Dan il-metodu ta’ produzzjoni-distribuzzjoni mhuwiex adattat għall-azjendi agrikoli kollha, minħabba t-tip ta’ produzzjoni, il-pożizzjoni ġeografika jew in-nuqqas ta’ popolazzjoni urbana li kapaċi tikkonsma pereżempju l-inbid kollu jew iż-żejt taż-żebbuġa kollu ta’ żona agrikola ħafna. Lanqas ma jissodisfa l-ħtiġijiet tal-ikel li ma jiġix prodott lokalment. Fi ktajjen tal-provvista itwal, is-sistemi ta’ tikketti ta’ kwalità Ewropej (indikazzjoni ġeografika protetta, denominazzjoni ta’ oriġini protetta, speċjalità tradizzjonali garantita) huma sors ta’ identifikazzjoni u ta’ valutazzjoni li jiffaċilitaw l-għażla tal-konsumaturi.

1.4.

F’dan il-kuntest, il-KESE jinnota l-emerġenza tal-agroekoloġija bħala mudell alimentari u agrikolu ġdid. Xjenza, teknika u moviment soċjali, l-agroekoloġija tqis is-sistema alimentari kollha kemm hi u għandha l-għan li ġġib lill-produttur eqreb lejn l-ambjent tiegħu, filwaqt li tippreserva jew saħansitra terġa’ tistabbilixxi l-kumplessità u r-rikkezza tas-sistema agrikola, ekoloġika u soċjali. Promossa mill-FAO u suġġett ta’ għadd ta’ riċerki u konferenzi, l-agroekoloġija rat żvilupp qawwi fl-Ewropa, inkluż fil-livell istituzzjonali, fil-qafas ta’ programmi ta’ żvilupp agrikolu nazzjonali.

1.5.

Il-KESE jqis li l-agroekoloġija hija d-direzzjoni li għandha ssegwi l-agrikoltura Ewropea kollha, li tiddependi intrinsikament mill-preservazzjoni tar-riżorsi naturali għall-iżvilupp tagħha. Ispirati minn mudelli ta’ suċċess bħall-biedja organika (bl-esklużjoni ta’ xi varjanti “bijoindustrijali”), il-permakultura u sistemi oħrajn ta’ biedja tradizzjonali, l-impenji fit-tranżizzjoni għat-tnaqqis tal-inputs, ir-rivitalizzazzjoni tal-ħamrija, l-introduzzjoni ta’ għelejjel varjati u l-protezzjoni tal-bijodiversità għandhom ikunu mħeġġa u vvalutati.

1.6.

Il-KESE jixtieq li jitnieda l-proġett agroekoloġiku fil-livell tal-UE u jibbaża fuq pjan ta’ azzjoni strutturat bl-użu ta’ lievi differenti fil-livell lokali, reġjonali u Ewropew. Politika komprensiva dwar l-ikel promossa mill-KESE tista’ tipprovdi l-qafas għal dan. Fost il-miżuri importanti, ninkludu:

id-disponibbiltà tal-fondi għall-installazzjoni tat-tagħmir, individwali jew kollettiv, meħtieġ (it-tieni pilastru tal-PAK);

l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-ikel b’mod adattat għall-produtturi ż-żgħar bi flessibbiltà għall-produzzjonijiet fuq skala żgħira, anki f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti ta’ tikkettar, eċċ.;

l-istabbiliment jew it-tisħiħ ta’ servizzi edukattivi u ta’ konsulenza adegwati għall-ipproċessar, il-bejgħ dirett u l-agroekoloġija;

it-trawwim tan-netwerks ta’ skambji bejn il-bdiewa;

l-iffukar tar-riċerka fuq l-agroekoloġija u l-ħtiġijiet tal-produtturi fi ktajjen tal-provvista qosra.

Fil-livell tar-territorji: għandhom jiġu stabbiliti regoli adattati għall-kompetizzjoni biex jiffaċilitaw il-provvsita tal-forniment tal-ikel tal-massa fi ktajjen qosra u lokali.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Żewġ opinjonijiet tal-KESE (1) enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi żviluppata politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE bbażata fuq diversi pilastri, fosthom l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista tal-ikel aktar qosra.

2.2.

Numru dejjem jikber ta’ inizjattivi qegħdin jiġu implimentati fil-livell lokali u reġjonali biex jappoġġjaw sistemi tal-ikel alternattivi u ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra. Politika komprensiva dwar l-ikel għandha tibni fuq, tistimula u tiżviluppa governanza komuni fil-livelli kollha – lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Approċċ bħal dan joħloq ambjent favorevoli għal dawn l-inizjattivi, irrispettivament mill-iskala li jitwettqu fiha, u huwa meħtieġ għall-ksib tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fl-Ewropa.

2.3.

F’dan il-kuntest, l-agroekoloġija tidher bħala paradigma agrikola u alimentari ġdida, li takkumpanja l-iżvilupp ta’ dawn il-prattiki ġodda tal-provvista u tal-produzzjoni tal-ikel.

2.4.

L-iskop ta’ din l-Opinjoni huwa li tosserva r-rabtiet aktar mill-qrib bejn il-produtturi u l-konsumaturi fi ktajjen iqsar u l-iżvilupp tal-agroekoloġija, sabiex tidentifika l-kundizzjonijiet u l-għodod li jiggwidaw lis-sistema tal-ikel lejn it-twettiq sħiħ tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

3.   L-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista qosra

3.1.

Id-definizzjoni li tuża l-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-politiki tal-iżvilupp rurali [ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013] hija: “katina tal-provvista li tinvolvi għadd limitat ta’ operaturi ekonomiċi, impenjati lejn il-kooperazzjoni, l-iżvilupp ekonomiku lokali, u relazzjonijiet ġeografiċi u soċjali mill-qrib bejn il-produtturi, dawk li jipproċessaw u l-konsumaturi (2)”.

3.2.

Id-distribuzzjoni tal-ikel għaddiet minn bidliet profondi mill-aħħar tad-disgħinijiet. Titjib fl-edukazzjoni dwar l-ikel u kriżijiet suċċessivi tas-saħħa marbuta ma’ prattiki agrikoli u agroindustrijali ħżiena wasslu għall-ħolqien ta’ numru dejjem jikber ta’ konsumaturi bi kriterji ta’ kwalità ġodda li jinkludu referenzi għas-saħħa u l-iżvilupp sostenibbli (3). Id-deregolamentazzjoni tas-swieq agrikoli, il-volatilità qawwija tal-prezzijiet, li ħafna drabi jkunu orħos mill-ispejjeż tal-produzzjoni u dħul agrikolu baxx, fid-dawl tat-tħassib dejjem jikber tal-konsumaturi li jieklu ikel tajjeb għas-saħħa u ta’ kwalità, qed iwasslu lil xi bdiewa biex ibiddlu l-metodi tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Fenomeni ta’ diversifikazzjoni qed jidhru fil-katina, mill-produzzjoni sal-konsum. Qed titfaċċa produzzjoni agrikola ġdida, il-produtturi għandhom jieħdu l-inizjattiva li jfittxu swieq ġodda jew jivvintaw modi ġodda ta’ bejgħ fi ktajjen tal-provvista qosra sabiex l-investiment uman u ekonomiku fid-diversifikazzjoni jiġi ppremjat, u l-prattiki jevolvu lejn sostenibbiltà akbar, immexxija mit-tqarrib bejn il-produtturi u l-konsumaturi. Fl-2015, is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew (SRPE) indika li 15 % tal-bdiewa biegħu nofs il-produzzjoni tagħhom permezz ta’ ktajjen tal-provvista qosra u stħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2016 sab li erbgħa minn kull ħames ċittadini Ewropej ikkunsidraw li “t-tisħiħ tar-rwol tal-bidwi fil-katina agroalimentari”huwa importanti. Il-ktajjen tal-provvista qosra qegħdin jiżdiedu fl-Ewropa, iżda mhux bl-istess rata fil-pajjiżi kollha.

3.3.

Il-forom ta’ bejgħ dirett huma għalhekk numerużi ħafna. Lil hinn mill-forom tradizzjonali, fir-razzett jew barra, qed jiġu żviluppati inizjattivi. Wieħed mill-aktar setturi ta’ innovazzjoni dinamiċi tal-aħħar għoxrin sena huwa dak tas-sħubiji lokali u ta’ solidarjetà li jgħaqqdu lill-konsumaturi u lill-produtturi għall-kunsinni ta’ “basktijiet”fuq bażi kuntrattwali, li essenzjalment jinkludu produzzjonijiet organiċi, li ġew federati u żviluppati mill-organizzazzjoni internazzjonali Urgenci. F’ħafna pajjiżi, hemm ukoll inizjattivi kollettivi biex isaħħu s-settur billi jorganizzaw fieri jew avvenimenti lokali bħan-netwerk “Campagna amica”fl-Italja. Il-kontribut tas-settur tal-kooperattivi huwa importanti ħafna. Huwa settur li jattira liż-żgħażagħ u dawk li għadhom kif bdew li spiss huma entużjasti.

3.4.

L-impatt “pożittiv ħafna”tal-ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra ġie enfasizzat fl-Opinjoni msemmija aktar ’il quddiem (4), b’mod partikolari fuq il-freskezza u l-kwalità organolettika u nutrittiva tal-prodotti. Wara l-iżvilupp ta’ sistema komprensiva tal-ikel ta’ aktar minn tletin sena, jidher li ħafna jirrikonoxxu u jaqblu li r-rabtiet aktar mill-qrib bejn il-produtturi u l-konsumaturi u s-sistemi lokalizzati joffru għadd ta’ benefiċċji. Il-ktajjen tal-provvista qosra jtejbu l-valur miżjud u l-qligħ tal-irziezet iż-żgħar, jippermettu l-bejgħ ta’ prodotti identifikati li “għandhom storja”lill-konsumaturi li, allura jkunu lesti jħallsu aktar, u jagħtu ħajja u joħolqu rabta soċjali fiż-żoni rurali. Titjib fil-kwalità tal-produzzjoni tal-ikel u s-sistemi tal-kummerċjalizzazzjoni jagħmel lill-konsumaturi aktar responsabbli għall-valur tal-ikel u l-iskart, u għalhekk jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-impatt tal-ikel fuq it-tibdil fil-klima.

3.4.1.

Dan il-mod ta’ kummerċjalizzazzjoni jiġġenera esternalitajiet pożittivi għall-komunità kollha (il-ħolqien ta’ impjiegi li ma jistgħux jiġu delokalizzati, iż-żamma tal-valur miżjud fit-territorju, l-attrazzjoni turistika jew residenzjali). Dawn l-esternalitajiet usa’ għandhom jiġu kkunsidrati fl-appoġġ tal-iżvilupp tal-ktajjen tal-provvista qosra u d-dinamiċi tat-territorji.

3.4.2.

Hemm numru kbir ta’ inizjattivi ta’ ktajjen tal-provvista qosra u huma bbażati fuq innovazzjonijiet soċjali, organizzattivi u territorjali li jibqgħu strutturati. F’ħafna studji, id-dimensjoni territorjali u l-identità kollettiva huma enfasizzati bħala fatturi ewlenin fis-sostenibbiltà u d-durabbiltà tagħhom. L-isfida hija għalhekk li jiġu pprovduti l-mezzi biex jinħolqu sistemi alimentari territorjali bbażati fuq governanza lokali u rappreżentanti tal-atturi nnifishom (5).

3.5.

L-Internet qed juri li huwa qasam ġdid ta’ esplorazzjoni u ta’ innovazzjoni għall-ktajjen tal-provvista qosra. Il-ġeneralizzazzjoni tiegħu matul l-aħħar għaxar snin saret ukoll fil-ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra. Il-fatt li joffri suq usa’ mis-suq tradizzjonali tal-bdiewa, jagħmilha wkoll possibbli li jittejbu u jiġu ssimplifikati l-iskambji. F’dawn l-aħħar ħames snin, dehru ħafna pjattaformi tal-bejgħ online. Dawn iċ-“ċentri alimentari”jippermettu “relazzjoni diretta”bejn il-produtturi u l-konsumaturi, speċjalment għal prodotti li jeżistu biss lokalment. Dawn jistgħu jippermettu lill-produtturi, iżda wkoll lill-konsumaturi biex jinġabru biex jixtru/ibiegħu fi grupp, sabiex b’hekk jiffaċilitaw il-loġistika fil-ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra. Użi oħrajn tad-diġitalizzazzjoni huma applikati għall-produzzjoni u l-ipproċessar tal-prodotti.

4.   L-agroekoloġija, mod ġdid ta’ kif nindirizzaw l-agrikoltura

4.1.

Waqt it-tieni simpożju internazzjonali dwar l-agroekoloġija li sar f’Ruma fl-2018, l-FAO pproponiet id-definizzjoni li ġejja: L-agroekoloġija hija l-applikazzjoni ta’ kunċetti u prinċipji ekoloġiċi sabiex jiġu ottimizzati l-interazzjonijiet bejn il-pjanti, l-annimali, il-bnedmin, u l-ambjent, mingħajr ma ninsew l-aspetti soċjali li għandhom jitqiesu sabiex is-sistema alimentari tkun sostenibbli u ekwa. Bil-ħolqien ta’ sinerġiji, l-agroekoloġija tista’ mhux biss tikkontribwixxi għall-produzzjoni alimentari, is-sikurezza alimentari u n-nutrizzjoni, iżda tgħin ukoll biex jiġu restawrati s-servizzi tal-ekosistema u l-bijodiversità, li huma essenzjali għall-agrikoltura sostenibbli. (6)

4.2.

L-agroekoloġija nbniet fi tliet dimensjonijiet ewlenin. L-ewwel waħda hija l-agroekoloġija li ħarġet fid-dieher fl-għoxrinijiet bħala sett ta’ dixxiplini xjentifiċi (il-fiżika, il-kimika, l-ekoloġija, l-ippjanar spazjali) li jindirizzaw l-agrikoltura permezz ta’ sistemi kumplessi ta’ interazzjonijiet tal-agroekosistema. It-tieni dimensjoni hija l-agroekoloġija bħala sett ta’ prattiki agrikoli sostenibbli li jottimizzaw u jistabbilizzaw il-ħsad. Finalment, it-tielet dimensjoni tal-agroekoloġija hija l-eżistenza tagħha bħala moviment soċjali fit-tfittxija tas-sovranità tal-ikel u rwoli multifunzjonali ġodda għall-agrikoltura (7). L-agroekoloġija evolviet ukoll billi tikkunsidra aħjar il-kwistjonijiet alimentari, kif juru dokumenti bħal “Redesigning the food system”(It-tfassil mill-ġdid tas-sistema tal-ikel) (Hill, 1985) u “Agroécologie, l’écologie des systèmes alimentaires durables”(L-agroekoloġija, l-ekoloġija tas-sistemi tal-ikel sostenibbli) xogħol ta’ referenza ta’ Steve Gliessman.

4.3.

L-agroekoloġija hija bbażata fuq ġabra komuni ta’ għaxar prinċipji, definiti u identifikati mill-FAO, li huma maħsuba biex jgħinu lill-pajjiżi jittrasformaw is-sistemi alimentari u tal-agrikoltura tagħhom, jiġġeneralizzaw l-agrikoltura sostenibbli, u jiksbu l-mira tal-eradikazzjoni tal-ġuħ u għanijiet oħra ta’ żvilupp sostenibbli (SDG):

diversità, sinerġiji, effiċjenza, reżiljenza, riċiklaġġ, kokreazzjoni u kondiviżjoni tal-għarfien (deskrizzjoni tal-karatteristiċi komuni tas-sistemi agroekoloġiċi, il-prattiki prinċipali u l-approċċi innovattivi);

valuri umani u soċjali, kultura u tradizzjonijiet alimentari (karatteristiċi kuntestwali);

ekonomija ċirkolari u ta’ solidarjetà, governanza responsabbli (ambjent favorevoli).

L-għaxar elementi tal-agroekoloġija huma marbuta u interdipendenti (8).

4.4.

Abbażi ta’ dawn l-għaxar prinċipji, ħafna bdiewa jistgħu jidentifikaw magħha: il-biedja organika, li tuża l-istess prinċipji f’qafas standardizzat (ir-Regolament tal-Unjoni dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi (9)), l-agrikoltura bijodinamika, il-biedja integrata, l-agroforestrija, li tgħaqqad l-uċuħ tar-raba’ mal-produzzjoni tas-siġar, jew il-permakultura għandhom bażi komuni li hija approċċ kumpless u sistematiku fir-rigward tal-agrikoltura mill-produzzjoni sal-konsum alimentari. Ir-rwol ċentrali tal-preservazzjoni tal-kwalità u l-ħajja tal-ħamrija f’dawn il-forom ta’ agrikoltura għandu jiġi enfasizzat.

L-agroekoloġija tirrappreżenta bidla fundamentali għall-agrikoltura biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, jiġu rrestawrati l-ekosistemi ħajjin u jiġu protetti l-ilma, il-ħamrija u r-riżorsi kollha li minnhom tiddependi l-produzzjoni agrikola. L-isforzi kollha tal-bdiewa li jikkunsidraw mill-ġdid il-prattiki u r-relazzjonijiet tagħhom mal-ekosistema għandhom jiġu mħeġġa sabiex jonqsu l-esternalitajiet negattivi u jiżdiedu l-esternalitajiet pożittivi. It-tnaqqis ta’ inputs kimiċi, l-introduzzjoni ta’ aktar diversità fin-newbiet tal-għelejjel, l-agrikoltura ta’ konservazzjoni u l-preservazzjoni tal-bijodiversità huma passi li għandhom jiġu mħeġġa fit-triq lejn it-tranżizzjoni agroekoloġika tal-irziezet kollha fl-Ewropa.

4.5.

Il-moviment soċjali żviluppat bejn is-sebgħinijiet u t-tmeninijiet mill-Amerika Latina minn organizzazzjonijiet bħall-Via Campesina beda l-iżvilupp internazzjonali esponenzjali ta’ dan l-approċċ tas-sistema alimentari fit-tliet dimensjonijiet tagħha (xjentifika, teknika u soċjali). L-Ewropa hija wkoll involuta f’dan il-moviment. F’Settembru 2014, l-FAO organizzat l-ewwel simpożju f’Ruma, “L-agroekoloġija għas-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni”, segwit minn diversi seminars reġjonali, inkluż dak ta’ Budapest f’Novembru 2016 għall-Ewropa, u sostniet l-iżvilupp tal-agroekoloġija biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u l-Ftehim ta’ Pariġi. Avveniment futur se jseħħ fl-Ewropa fi tmiem l-2019. Il-programm Ewropew ta’ riċerka Orizzont 2020 inkorpora bosta temi relatati mal-agroekoloġija, il-biedja organika u l-ktajjen tal-provvista qosra, u s-sħubija Ewropea għall-innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikoli, li esplorat ukoll dawn it-temi għall-iżvilupp agrikolu, qed torganizza s-Summit li jmiss dwar l-innovazzjoni agrikola dwar l-agroekoloġija fi Franza f’Ġunju 2019.

4.6.

L-agroekoloġija ġiet istituzzjonalizzata b’mod gradwali, partikolarment fi Franza (10). Billi poġġietha fil-kodiċi rurali Franċiża u billi attrezzat lilha nnifisha b’għodda legali u finanzjarja, Franza għamlet l-agroekoloġija punt kruċjali fl-iżvilupp agrikolu tagħha (11). Ir-riżorsi finanzjarji u l-orjentazzjoni ta’ diversi programmi speċifiċi Franċiżi ġġeneraw u appoġġaw ħafna dinamiċi ta’ proġetti kollettivi tal-bdiewa, billi orjentaw l-iżvilupp u l-produzzjoni agrikoli lejn sostenibbiltà akbar (12).

4.6.1.

Fost ir-riżultati konklużivi tal-agroekoloġija enfasizzati mix-xogħlijiet akkademiċi u mibgħuta mill-organizzazzjonijiet ta’ żvilupp, aħna ninnutaw:

għall-bdiewa: iż-żieda fil-fertilità tal-ħamrija, it-tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni, awtonomija akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet, l-iżvilupp ta’ reżiljenza tas-sistemi agrikoli għall-perikli marbuta mal-klima, l-aġġornament tal-professjoni;

għall-konsumaturi: il-kwalità sanitarja u nutrittiva tal-ikel u l-ilma, il-preservazzjoni tal-bijodiversità u tal-pajsaġġi, u garanziji f’termini ta’ prattiki agrikoli (it-trobbija tal-bhejjem jew l-uċuħ tar-raba’) (13).

4.6.2.

Dawn ir-riżultati huma msaħħa mid-dimensjoni kollettiva tal-proġetti agroekoloġiċi, mill-involviment tal-bdiewa bħala xpruni ta’ proposti u ta’ innovazzjoni fil-kuntest tagħhom, mix-xewqa ta’ prattiki aħjar u mill-ħtieġa li titnaqqas l-ispiża tal-produzzjoni tagħhom. Il-pjattaformi tal-Internet (14) jistgħu jippermettu l-kapitalizzazzjoni meħtieġa tar-referenzi tekniċi u xjentifiċi prodotti u tax-xhieda tal-bdiewa li għamlu din it-tranżizzjoni, mingħajr ma jittraskuraw l-impatt tat-taħriġ u l-ħinijiet komuni.

4.6.3.

It-taħriġ ta’ bdiewa futuri f’istituzzjonijiet pubbliċi ta’ edukazzjoni agrikola jinkludi l-missjoni li jingħata kontribut għall-iżvilupp tal-agroekoloġija. Il-kontenut edukattiv dwar is-suġġett dejjem qed jikber (15) u l-istudenti huma aktar probabbli li jippromovu t-tranżizzjoni u l-produzzjoni agroekoloġiċi fil-ħajja professjonali futura tagħhom (16). Il-programm ta’ tranżizzjoni agroekoloġika Franċiż għandu l-għan li jtejjeb id-dieta tal-istudenti billi fil-menus tal-kantins tal-kulleġġi agrikoli jintroduċi platti bi prodotti lokali, li jżid l-għarfien tagħhom dwar il-kwistjoni alimentari.

4.6.4.

Sabiex jappoġġa t-tranżizzjoni fil-livell territorjali, il-gvern Franċiż ħoloq il-Projets Alimentaires Territoriaux (PAT), li huma proġetti alimentari territorjali, fejn il-kollettivi ffurmati liberament ifasslu l-azzjonijiet meħtieġa biex itejbu s-sistema alimentari lokali. Jidher li minkejja riżorsi insuffiċjenti, il-programmi qed jiġġeneraw interess u r-riżultati huma nkoraġġanti.

4.7.    Il-ktajjen tal-provvista qosra u l-agroekoloġija, tranżizzjonijiet marbuta

4.7.1.

L-agroekoloġija hija kkaratterizzata b’mod partikolari mid-diversità tal-komplementarjetà tal-produzzjoni fil-livell tal-azjendi agrikoli. Kemm jekk hux għall-prodotti tal-bhejjem kif ukoll għal uċuħ tar-raba’ agroekoloġiċi, huwa importanti li jinħolqu u jinżammu swieq ġodda. Il-ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra mbagħad jidhru bħala rispons adegwat għal din il-kwistjoni ta’ tranżizzjoni.

4.7.2.

Finalment, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-assoċjazzjoni tal-agroekoloġija u l-ktajjen tal-provvista qosra, fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali, illum twassal għall-iżvilupp ta’ governanza alimentari territorjali b’modi ġodda ta’ involviment ta’ atturi. Dawn il-proċeduri biex il-bliet jerġgħu jingħaqdu mal-baċini tal-produzzjoni tal-ikel qrib tagħhom diġà qegħdin jaħdmu f’ħafna postijiet: Milan fl-Italja, Montpellier fi Franza, Ghent, Brussell u Liège fil-Belġju jew Toronto fil-Kanada.

5.   Żvilupp ta’ ktajjen tal-provvista qosra u tal-agroekoloġija għal sistemi alimentari sostenibbli

5.1.    Kontribut għal dieta ta’ kwalità

5.1.1.

Fl-2012, programm Ewropew ta’ riċerka dwar ktajjen tal-provvista qosra u s-sistemi tal-ikel lokali, li jinvolvi d-direttorati ġenerali tal-agrikoltura u tas-saħħa tal-Kummissjoni Ewropea u mmexxi parzjalment mill-Università ta’ Coventry„ enfasizza li l-aspetti ta’ kwalità, ta’ traċċabilità u ta’ trasparenza għandhom ikunu fiċ-ċentru tax-xiri u l-bejgħ. L-UE għandha għalhekk tagħti s-setgħa lill-produtturi u lill-konsumaturi biex jibnu u jistabbilizzaw dan it-trijangolu irrispettivament mill-forma tal-katina tal-provvista qasira. Ta’ min jinnota li l-maġġoranza tal-prodotti mibjugħa fi ktajjen tal-provvista qosra ġejjin mill-biedja organika jew minn metodi mhux iċċertifikati mingħajr inputs sintetiċi skont il-pajjiżi. Dan l-element jidher li huwa indispensabbli biex jinġiebu flimkien l-agroekoloġija u l-ktajjen tal-provvista qosra. Tabilħaqq, il-prinċipji u l-qafas tal-agroekoloġija jistgħu joħolqu ambjent ta’ fiduċja b’saħħtu u stabbli biżżejjed mingħajr ma jkun hemm neċessarjament sistema ta’ agrikoltura li tinvolvi t-tikketti, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jsibu l-kwalità, it-traċċabilità u t-trasparenza meħtieġa għall-iżvilupp u sostenibbiltà ta’ ktajjen tal-provvista qosra. Żjarat regolari minn konsumaturi u produtturi oħrajn fl-irziezet jidhru li huma metodu ta’ “garanzija parteċipattiva”effettiva biex tiżdied it-trasparenza, l-iżvilupp ta’ indikaturi kontestwalizzati u l-monitoraġġ ta’ prattiki agroekoloġiċi (17).

5.1.2.

Fuq livell individwali, l-aktar studji reċenti juru li l-ktajjen tal-provvista qosra jtejbu s-saħħa tal-bniedem b’mod sostanzjali. Minn naħa, joqogħdu aktar attenti għal dak li jieklu u għall-metodu ta’ produzzjoni. Min-naħa l-oħra, dawn il-miżuri huma sors ta’ tagħlim soċjali b’saħħtu ħafna, inkluż f’termini ta’ mġiba alimentari tajba għas-saħħa.

5.2.    L-aċċessibbiltà u s-sigurtà tal-ikel

5.2.1.

Bħalissa, bosta proġetti ta’ riċerka Ewropej (18) (19)jindikaw li l-ktajjen tal-provvista qosra għandhom tendenza li jkunu strutturati u organizzati biex jimxu mis-suq niċċa għal drawwiet reali ta’ konsum alimentari. Dan ġie ffaċilitat min-netwerking ta’ ħafna atturi madwar l-UE permezz ta’ proġetti appoġġjati minn programmi ta’ finanzjament Ewropej differenti. Madankollu, dan it-tkabbir jibqa’ limitat minħabba d-diffikultajiet ta’ aċċess ta’ ċerti prodotti għall-familji bi dħul baxx. Ikun jaqbel li titkompla l-ħidma li saret fl-Opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar il-kwistjoni tal-ixprunaturi ta’ azzjoni biex dawn il-prodotti tal-ikel isiru aċċessibbli. Bosta proġetti ta’ riċerka dwar is-suġġett waslu fi tmiemhom fi Franza (RMT Alimentation (20), Projet Casdar ACCESSIBLE (21) jew il-proġetti alimentari territorjali (22)).

5.2.2.

Fost l-għodod disponibbli, il-mezzi ta’ riċerka u innovazzjoni mwettqa mis-sħubija Ewropea għall-innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikoli u d-DĠ Riċerka fil-programm futur Orizzont Ewropa jistgħu jkunu ddedikati għall-agroekoloġija u l-ktajjen tal-provvista qosra. Bħala parti mill-PAK futura, il-programmi ta’ ekoloġizzazzjoni (ECO-schemes) għandhom ikunu mobilizzati biex jinkoraġġixxu l-adozzjoni gradwali mill-bdiewa ta’ metodi relatati mal-agroekoloġija u l-evoluzzjoni ta’ sistemi lejn ktajjen tal-provvista qosra. L-istess jgħodd għall-miżuri tat-tieni pilastru, bħall-miżuri agroambjentali u klimatiċi u s-sussidji għall-investimenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll għall-għodod tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni. Għandhom jiġu żviluppati l-mezzi ta’ taħriġ u ta’ pariri adattati, kif ukoll l-attivitajiet lokali, permezz tal-programmi LEADER. L-appoġġ għal inizjattivi territorjali jista’ jibbenefika wkoll mill-fondi ta’ koeżjoni.

5.2.3.

Għandhom jiġu żviluppati regoli adattati li jippermettu l-forniment ta’ akkwisti pubbliċi fi ktajjen tal-provvista qosra, li bħalissa huma ristretti mir-regoli tal-kompetizzjoni. Huma meħtieġa wkoll regoli adattati għall-ktajjen tal-provvista qosra. Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (23) joffri possibbiltajiet ta’ flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-metodu HACCP (analiżi tal-perikli u punti kritiċi ta’ kontroll) għall-produtturi ta’ volumi żgħar, li għandhom jintużaw fil-pajjiżi kollha tal-UE. L-istess jgħodd għar-regoli dwar it-tikkettar tal-prodotti. It-tikkettar tal-oriġini (pereżempju fir-ristoranti jew fil-forniment tal-ikel tal-massa) tal-ikel ipproċessat jista’ jkollu rwol ta’ appoġġ: jekk l-oriġini ta’ prodott tal-ikel issir magħrufa, huwa aktar probabbli li l-konsumatur jagħżel prodott jew platt li sar fil-viċinanzi, anki jekk iħallas ftit aktar. Kopertura sħiħa tal-4G (telefonija u Internet) fiż-żoni rurali huma importanti biex jiffaċilitaw l-aċċess u l-kuntatt mal-konsumaturi permezz tal-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni.

5.2.4.

Tħassib li ta’ spiss jiġi espress jikkonċerna l-kapaċità tal-agroekoloġija u s-sistemi lokali biex jitimgħu d-dinja u l-10 biljun bniedem mistennija fl-2050. Ix-xogħol ta’ ħafna organizzazzjonijiet ta’ riċerka huwa ċar f’dan ir-rigward; fil-livell internazzjonali, l-iżvilupp tal-agroekoloġija u l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi fl-agrikoltura u barra minnha huma essenzjali u possibbli minħabba l-esiġenzi ekonomiċi, ambjentali u soċjali. Fl-Ewropa, ix-xogħol reċenti tal-IDDRI (Istitut tal-Iżvilupp Sostenibbli u r-Relazzjonijiet Internazzjonali) juri li huwa possibbli li nitimgħu l-popolazzjoni Ewropea kollha sal-2050 bis-saħħa ta’ trasformazzjoni agroekoloġika gradwali, li tintegra t-trobbija tal-bhejjem, l-uċuħ tar-raba’ u s-siġar, mingħajr emissjonijiet tal-karbonju.

5.3.    It-triq lejn l-agroekoloġija

5.3.1.

L-użu tal-proġett agroekoloġiku fil-livell tal-UE għandu jkun ibbażat fuq pjan ta’ azzjoni strutturat, flimkien ma’ xpruni differenti fis-setturi varji ta’ azzjoni pubblika u privata li jkopri ħafna suġġetti: taħriġ, żvilupp agrikolu, orjentazzjoni mill-ġdid tal-għajnuna, adattament tar-regolamenti, territorjalizzazzjoni tas-setturi, għażla ġenetika, reġjuni ultramarittimi u azzjoni internazzjonali (24). Għalhekk ikun xieraq li l-UE taħdem fuq opportunitajiet ta’ appoġġ sabiex l-agroekoloġija u l-ktajjen tal-provvista qosra jkunu jistgħu jiġu żviluppati b’mod konġunt u jaqblu bejniethom dwar is-sostenibbiltà konġunta tagħhom. Huwa importanti li dan l-ixprun ta’ azzjoni jkun ambizzjuż biżżejjed sabiex bosta azjendi agrikoli jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom f’din it-tranżizzjoni fit-tul. Il-kunċett ta’ temporalità huwa importanti kemm minħabba li jagħti ż-żmien lill-atturi biex jinvolvu ruħhom, iżda anke minħabba li jippermetti lil dawk li jinvolvu ruħhom jiżguraw it-tranżizzjoni kompluta ta’ sistema, li fil-fatt, hija kumplessa biex tiġi stabbilita.

5.3.2.

Politika komprensiva dwar l-ikel, li l-KESE ilu jippromovi għal bosta snin, immexxija minn Kunsill Ewropew tal-ikel li l-KESE jista’ jkun il-faċilitatur tiegħu, u kkoordinata fil-livell tad-direttorati ġenerali minn viċi president tal-Kummissjoni Ewropea, tista’ tipprovdi l-qafas ta’ programm. Il-proposta ta’ politika komuni dwar l-ikel tressqet fil-livell tal-Unjoni Ewropea permezz tal-ħidma tal-IPES-Food (25).

5.3.3.

Ix-xogħol tal-FAO jista’ jkun sors ta’ ispirazzjoni għall-iżvilupp tal-agroekoloġija fil-livell Ewropew. Ir-rakkomandazzjonijiet tas-simpożju reġjonali dwar sistemi agrikoli u tal-ikel sostenibbli fl-Ewropa u l-Asja Ċentrali huma partikolarment illuminanti f’dan ir-rigward. Il-gwida “Connecting Smallholders to Markets”(“Ngħaqqdu l-azjendi żgħar mas-swieq”), adottata fl-2016 mill-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija, tirrakkomanda lill-Istati sabiex jappoġġjaw lis-swieq territorjali (lokali, reġjonali, nazzjonali) għat-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Sistemi alimentari aktar sostenibbli”(ĠU C 303, 19.8.2016, p. 64) u l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-iżvilupp ta’ politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE”, (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 18).

(2)  Ir-Regolament (UE) 1305/2013.

(3)  Codron, J.-M., Sirieix, L., Reardon, T., “Social and Environmental Attributes of Food Products: Signaling and Consumer Perception, With European Illustrations”, Agriculture and Human Values, (Attributi Soċjali u Ambjentali ta’ Prodotti tal-Ikel: Sinjalazzjoni u Perċezzjoni tal-Konsumatur, B’Illustrazzjonijiet Ewropej, Agrikoltura u Valuri Umani), vol. 23, nru 3, 2006, p. 283-297.

(4)  Ara n-nota nru 1 f’qiegħ il-paġna.

(5)  Le Velly, R., “Dynamiques des systèmes alimentaires alternatifs!, Systèmes agroalimentaires en transition (Dinamika ta’ Sistemi Alimentari Alternattivi, Sistemi Agroalimentari fi Tranżizzjoni), Edizzjoni Quae, 2017, p. 149-158.

(6)  http://www.fao.org/about/meetings/second-international-agroecology-symposium/en/

(7)  https://pubs.iied.org/14629IIED/?c=foodag.

(8)  (http://www.fao.org/3/i9037en/I9037en.pdf).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tal- 28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2029/91.

(10)  Xogħlijiet ta’ S. Bellon.

(11)  Artikolu 1 emendat mil-liġi dwar il-ġejjieni agrikolu ivvutata fit-13 ta’ Ottubru 2014, Code rural et de la pêche maritime (Il-kodiċi rurali u għas-sajd marittimu).

(12)  Agroekoloġija Ewropa EIP: http://www.agroecology-europe.org/

(13)  Claveirol, C., “La transition agroécologique: défis et enjeux”, Les avis du CESE (It-tranżizzjoni agroekoloġika: l-isfidi u r-riskji, L-Opinjonijiet tal-KESE), 2016.

(14)  https://rd-agri.fr/

(15)  https://pollen.chlorofil.fr/?s=agroecologie.

(16)  http://www.bergerie-nationale.educagri.fr/fileadmin/webmestre-fichiers/formation/articles_presse/Plan_EPA1-bilan-Fevrier_2019.pdf.

(17)  http://www.cocreate.brussels/-CosyFood-.

(18)  https://ec.europa.eu/eip/agriculture/sites/agri-eip/files/eip-agri_brochure_short_food_supply_chains_2019_en_web.pdf

(19)  http://www.shortfoodchain.eu/news/

(20)  www.rmt-alimentation-locale.org/

(21)  http://www.civam.org/images/M%C3%A9lanie/AcceCible/PRESENTATION-Accessible.pdf.

(22)  http://rnpat.fr/les-projets-alimentaires-territoriaux-pat/

(23)  Ir-Regolament (UE) 852/2004.

(24)  Claveirol, C., “La transition agroécologique: défis et enjeux”, Les avis du CESE (It-tranżizzjoni agroekoloġika: l-isfidi u r-riskji, L-Opinjonijiet tal-KESE), 2016.

(25)  IPES-Food, Towards a Common Food Policy for the European Union, (Lejn Politika Komuni dwar l-Ikel għall-Unjoni Ewropea), Brussell, IPES Food, 2017.


18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-professjoni tal-biedja u l-isfida tal-profittabbiltà”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 353/12)

Relatur: Arnold PUECH D’ALISSAC

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.2.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

28.6.2019

Adottata fil-plenarja

18.7.2019

Sessjoni plenarja Nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

188/0/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-profittabbiltà u l-vijabbiltà ekonomika tal-irziezet hija kwistjoni serja fl-UE, fejn id-dħul ta’ bidwi, bħala medja, huwa biss 46,5 % ta’ setturi ekonomiċi oħra. Minkejja l-profittabbiltà baxxa, is-settur agrikolu tal-UE għandu rwol kruċjali bħala l-mutur tal-ekonomiji rurali u jipproduċi ikel ta’ kwalità li jirrispetta l-ogħla standards fid-dinja. Huwa impossibbli li tinkiseb is-sostenibbiltà ambjentali b’mod iżolat mill-aspetti daqstant importanti tal-elementi ekonomiċi, kummerċjali, ekoloġiċi u soċjali tal-attività tal-biedja.

1.2.

Is-settur agrikolu tal-Unjoni Ewropea jipprovdi lill-konsumaturi bis-sigurtà tal-ikel quddiem il-pressjoni dejjem tiżdied mit-tibdil fil-klima u d-domandi tas-soċjetà f’termini ta’ sostenibbiltà ambjentali. Barra minn hekk, is-settur agrikolu Ewropew jikkontribwixxi b’mod attiv biex l-UE tibqa’ kompetittiva u dinamika fis-swieq internazzjonali, u jgħin biex jiżgura l-bilanċ favorevoli tal-kummerċ tal-UE. Is-settur agrikolu tal-UE huwa wkoll wieħed mill-akbar sorsi ta’ impjiegi, u jimpjega aktar minn 40 miljun persuna madwar l-UE. F’dawn l-oqsma, l-agrikoltura ħafna drabi hija l-uniku settur ekonomiku li jiġġenera t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.

1.3.

Fl-UE hija meħtieġa katina tal-provvista tal-ikel ġusta, trasparenti, li tiffunzjona tajjeb u ekwa: waħda li hija tajba għall-bdiewa u għall-partijiet ikkonċernati kollha inklużi l-proċessuri, il-bejjiegħa bl-imnut u, fuq kollox, il-konsumaturi. Fuq livell nazzjonali, għandha tingħata konsiderazzjoni għal approċċ ta’ negozjati tas-suq bil-maqlub permezz tal-istabbiliment ta’ katini tal-valur li jimmira li jagħti lill-bdiewa dħul fix-xahar tad-doppju tal-paga minima.

1.4.

Is-settur agrikolu tal-UE jipprovdi servizzi pubbliċi pożittivi u esternalitajiet li mhumiex rikonoxxuti mis-suq. L-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel filwaqt li jiġu rrispettati l-ogħla standards ta’ produzzjoni huwa għan li ntlaħaq. Madankollu, qed jiżdiedu sfidi ġodda bħat-tibdil fil-klima, il-volatilità evidenti tal-prezzijiet, kif ukoll il-kompetizzjoni inġusta minn sistemi ta’ produzzjoni bi standards aktar baxxi, prattiki kummerċjali żleali, u d-depopolazzjoni taż-żoni rurali kif ukoll it-tixjiħ tal-popolazzjoni agrikola, li jqiegħdu lill-bdiewa tal-UE f’diffikultà fis-suq internazzjonali.

1.5.

It-teknoloġiji ġodda, flimkien ma’ attivitajiet inklużivi ta’ riċerka u innovazzjoni, huma parti mis-soluzzjonijiet biex iżommu s-settur agrikolu tal-UE kompetittiv u jippermettu lill-bdiewa tal-UE jindirizzaw il-kwistjoni ta’ sostenibbiltà b’mod dirett u effettiv.

1.6.

L-edukazzjoni tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet huma meħtieġa sabiex il-bdiewa tal-UE jingħataw l-għodod ġusti biex jisfruttaw aħjar il-potenzjal teknoloġiku ġdid u jużaw soluzzjonijiet innovattivi fl-irziezet tagħhom.

1.7.

Il-bdiewa tal-UE ħadu għadd ta’ miżuri biex isaħħu l-kontribut tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima peress li qed dejjem aktar jaraw l-effetti tagħha: jesperjenzaw tibdil fiż-żminijiet tal-ħsad, ġlata bikrija jew imwaħħra, nirien, għargħar u nixfa. Barra minn hekk, il-miżuri ambjentali m’għandhomx jipperikolaw is-sikurezza tal-ikel u għandhom iżommu f’moħħhom li l-bdiewa għandhom bżonn remunerazzjoni ġusta għax-xogħol żejjed li l-miżuri sostenibbli u ta’ mitigazzjoni spiss jirrikjedu.

1.8.

UE b’saħħitha tfittex li twettaq mhux biss l-għanijiet tat-Trattat ta’ Lisbona iżda wkoll il-miri globali bħall-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Dawn l-impenji ambizzjużi jeħtieġ li jkunu appoġġjati minn baġit b’saħħtu u politiki effiċjenti, li jiggarantixxu l-futur, l-iżvilupp u l-prosperità tal-agrikoltura u ż-żoni rurali. Il-bdiewa u l-kooperattivi agrikoli Ewropej jeħtieġu baġit b’saħħtu tal-PAK għall-perjodu li jmiss.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-KESE qed iħejji din l-Opinjoni biex jenfasizza r-rwol importanti tal-bdiewa Ewropej u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-ekonomija tal-UE, billi jikkontribwixxu għas-sigurtà globali tal-ikel u biex iżommu ż-żoni rurali ħajjin. Ħafna drabi din il-kontribuzzjoni ma tiġix ippremjata daqskemm jistħoqqilha, u dan il-fatt jiskoraġġixxi lill-ġenerazzjoni l-ġdida milli tieħu f’idejha l-irziezet tal-familja tagħhom u jnaqqas l-attraenza tas-settur għal dawk li jkunu għadhom kemm daħlu.

3.   Ir-rwol tal-bdiewa fl-UE

3.1.    Il-kontribut għas-sigurtà tal-ikel, għall-kunsinna ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u nutrittiv u għall-ekonomija ġenerali tal-UE

3.1.1.

F’kuntest fejn id-domanda għall-ikel u l-bijomassa qed jiżdiedu, il-bdiewa tal-UE, il-kooperattivi tagħhom u l-azjendi tagħhom huma impenjati li jipproduċu, jipproċessaw u jikkumerċjalizzaw ikel sikur u ta’ kwalità għolja għaċ-ċittadini Ewropej u l-konsumaturi madwar id-dinja. Dawn jipprovdu lill-konsumaturi bis-sigurtà tal-ikel quddiem il-pressjoni dejjem tiżdied tat-tibdil fil-klima u d-domandi tas-soċjetà f’termini ta’ sostenibbiltà ambjentali. Barra minn hekk, is-settur agrikolu Ewropew jikkontribwixxi b’mod attiv biex l-UE tibqa’ kompetittiva u dinamika fis-swieq internazzjonali. Skont l-Eurostat (1), is-settur agrikolu kien jammonta għal 1,2 % tal-PDG tal-UE fl-2017 u ħoloq valur miżjud (gross) ta’ EUR 188,5 biljun, u kkontribwixxa b’mod attiv għall-bilanċ favorevoli tal-kummerċ tal-UE b’EUR 137 biljun ta’ esportazzjonijiet agrikoli għall-istess perjodu ta’ żmien.

3.2.    L-impjiegi f’żoni rurali u żvantaġġati

3.2.1.

Il-katina agroalimentari tal-UE hija waħda mill-akbar setturi ekonomiċi tal-UE, li żżomm u toħloq it-tkabbir u l-impjiegi u timpjega madwar 40 miljun ruħ. Madwar 10 miljun persuna huma impjegati direttament u jaħdmu f’irziezet u kooperattivi agrikoli. L-agrikoltura hija l-uniku sors ta’ impjieg għal ċerti żoni jew reġjuni.

3.3.    Il-bdiewa bħala difensuri ta’ pajsaġġi tradizzjonali u maniġers tal-art

3.3.1.

Il-bdiewa tal-UE, l-intrapriżi agrikoli u l-kooperattivi tagħhom jamministraw madwar 173 miljun ettaru, li huwa madwar 39 % taż-żona totali tal-UE. Il-bdiewa u l-membri tal-familja tagħhom jippreservaw il-pajsaġġ rurali u l-bijodiversità, billi jipprovdu ħafna riżultati pożittivi għas-soċjetà: bix-xogħol impenjat tagħhom f’termini ta’ ġestjoni tal-art u tal-pajsaġġ, qed jikkontribwixxu b’mod attiv biex itaffu l-effetti ta’ katastrofi kbar f’każ ta’ kundizzjonijiet estremi tat-temp. Bosta bdiewa huma wkoll sidien ta’ foresti u l-kontribut tagħhom għall-ġestjoni tal-foresti huwa sinifikanti. Barra minn hekk, il-bdiewa jgħinu biex iżommu u jirrestawraw il-pajsaġġ tradizzjonali tal-UE taż-żoni rurali, billi jiżguraw il-preservazzjoni tal-wirt kulturali u jipprovdu wkoll sinerġiji pożittivi mas-settur tat-turiżmu tal-UE. Madankollu, l-isforzi li saru s’issa mis-settur agrikolu ma jistgħux jaħbu l-fatt li jrid isir ħafna aktar u jittieħdu aktar miżuri sabiex jinkisbu l-objettivi tal-bijodiversità fil-livell Ewropew u dak globali, inkluża l-protezzjoni tan-naħal, l-insetti u l-għasafar. Sa ċertu punt, dan imur kontra l-ħtieġa li jiġi ġġenerat profitt, għaldaqstant, l-UE trid assolutament tippremja l-kontribut ambjentali akbar tas-settur agrikolu permezz ta’ riżorsi addizzjonali allokati lill-PAK.

4.   It-tibdil fil-professjoni tal-bdiewa

4.1.    Id-domandi tas-soċjetà li qed jiżdiedu dwar dieti tajbin għas-saħħa, l-oriġini u l-kwalità tal-ikel, l-impatt fuq l-ambjent u l-benesseri tal-annimali

4.1.1.

Il-konsumaturi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom ammont kbir ta’ informazzjoni marbuta mal-prodotti li jikkunsmaw kuljum. Huma qed jagħtu aktar attenzjoni lill-oriġini u l-kwalità tal-ikel kif ukoll lill-impatt ambjentali tiegħu. Fatturi importanti oħra tal-għażla tal-konsumatur huma r-rispett tal-prattiki tal-benesseri tal-annimali u d-distanza minn fejn jiġi prodott l-ikel, inkluż it-tqassir tal-katini alimentari.

4.1.2.

Sabiex jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi, il-bdiewa tal-UE bdew jimplimentaw azzjonijiet biex itejbu saħansitra aktar il-benesseri tal-annimali u jnaqqsu kwalunkwe impatt negattiv tal-attivitajiet tal-biedja fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħamrija, filwaqt li jipproduċu prodotti ta’ kwalità għolja. Il-bdiewa tal-UE, assistiti mill-awtoritajiet pubbliċi u l-akkademiċi, qed jinvestu l-enerġija u r-riżorsi sabiex iħaddnu dan il-mudell ġdid ta’ konsum.

4.2.    Ir-rwol tat-teknoloġija u l-innovazzjoni fl-agrikoltura

4.2.1.

Is-settur agrikolu tal-UE jinsab fuq quddiem nett tar-rivoluzzjoni teknoloġika u diġitali, b’bosta skoperti innovattivi fil-ġenetika, vetturi awtomatizzati, robots, drones, immaġini bis-satellita, telerilevament, big data eċċ. Barra minn hekk, il-bdiewa dejjem adottaw, żviluppaw u applikaw mudelli innovattivi tan-negozju tal-irziezet u prattiki agronomiċi, inkluż tekniki ġodda u metodi ta’ produzzjoni li żiedu l-produzzjoni u għamlu l-prattiki tal-biedja aktar adattabbli għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu.

4.2.2.

F’din il-perspettiva, it-teknoloġiji ġodda jgħinu lill-bdiewa tal-UE biex jiżguraw is-sigurtà tal-ikel, filwaqt li jirrispettaw l-ogħla standards fid-dinja u jissodisfaw l-aspettattivi tal-konsumaturi. F’dan is-sens, it-teknoloġiji ġodda jippermettu lill-bdiewa tal-UE jindirizzaw il-kwistjoni tal-ambjent b’mod dirett u effettiv. Pereżempju, it-tnaqqis tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPPs) jista’ jinkiseb bl-użu ta’ taħlita ta’ teknoloġiji li jgħinu lill-bdiewa f’kull aspett tal-produzzjoni. Fost oħrajn, it-tekniki ġodda ta’ tgħammir għandhom l-akbar impatt li jnaqqsu l-użu tal-PPPs u jrawmu r-reżistenza tal-pjanti u tal-annimali għal pesti, fungi u patoġeni esterni.

4.2.3.

Ir-rwol tat-teknoloġiji mhux marbut biss mal-produzzjoni nnifisha iżda wkoll mat-traċċabbiltà, is-sikurezza tal-ikel, il-benesseri tal-annimali u l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima li jgħinu biex is-settur agrikolu tal-UE jinżamm wieħed mill-aktar avvanzati u sikuri fid-dinja.

4.2.4.

L-aċċess għall-finanzi huwa vitali għall-bdiewa tal-UE sabiex jimplimentaw soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi fl-irziezet. F’dan ir-rigward, il-funzjoni tas-sussidjarjetà tat-tieni pilastru tal-PAK għandha tinżamm u titrawwem fil-PAK il-ġdida. Huwa importanti li wieħed jifhem li l-bdiewa tal-UE jimplimentaw biss l-aħħar żviluppi teknoloġiċi fin-negozju tagħhom permezz ta’ aċċess faċli għall-kreditu.

5.   Sfidi

5.1.    It-tibdil fil-klima

5.1.1.

Il-bdiewa tal-UE jagħtu kontribut serju fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima peress li qed jaraw l-effetti tagħha dejjem aktar: jesperjenzaw tibdil fiż-żminijiet tal-ħsad, ġlata bikrija jew imwaħħra, nirien, għargħar u nixfa. Il-miżuri effettivi ta’ adattament għat-tibdil fil-klima huma għalhekk kruċjali għall-vijabbiltà fit-tul tal-irziezet. Fl-istess ħin, il-bdiewa qed inaqqsu l-emissjonijiet kemm fl-irziezet kif ukoll barra mill-irziezet permezz ta’ prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli, bl-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda kif ukoll użu aktar effiċjenti tal-uċuħ tar-raba’, tiben, demel u residwi oħra għal enerġija rinnovabbli, permezz ta’ tisħin solari u billi jipprovdu l-elettriku mill-enerġija mir-riħ kif ukoll minn sorsi oħra. Il-prodotti mill-uċuħ tar-raba’ u mir-residwi tal-bhejjem jistgħu jintużaw ukoll biex jipproduċu bijokarburanti u materjali industrijali rinnovabbli fl-irziezet skont il-prinċipji ta’ ekonomija ċirkolari. Dan jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet f’setturi oħra u titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-provvisti tal-karburanti fossili tagħha.

5.1.2.

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-Ftehim ta’ Pariġi kif ukoll l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli stabbilixxew miri importanti għas-settur agrikolu tal-UE li għandhom jintlaħqu bejn l-2030 u l-2050. Il-bdiewa tal-UE huma lesti li jindirizzaw dawn l-isfidi jekk ikunu mgħammra bl-għodod it-tajba. Is-"sett ta’ għodod" għandu jinkludi qafas politiku pożittiv u faċli għall-utent, teknoloġiji ġodda, strateġiji tal-immaniġġjar tal-ilma (jiġifieri ħażna u irrigazzjoni) u baġit b’saħħtu tal-PAK li jsostni l-isforzi addizzjonali tal-bdiewa. Il-bdiewa li jiġu mċaħħda minn waħda mill-għodod imsemmija hawn fuq jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tal-ikel u jaffettwaw b’mod negattiv il-kwalità tal-produzzjoni tal-ikel tal-UE.

5.2.    Id-dħul fis-settur tal-agrikoltura

5.2.1.

Id-dħul mill-agrikoltura (2) għal kull unità ta’ xogħol annwali (UXA), espress bħala indiċi, kien 10,9 % ogħla għall-UE-28 fl-2017 milli fl-2016. Madankollu, dan irid jitqies f’relazzjoni ma’ setturi ekonomiċi oħra fejn id-dħul medju huwa ferm ogħla. Fil-fatt, meta mqabbla mal-pagi medji fl-ekonomija, id-dħul intraprenditorjali ta’ bidwi għal kull unità ta’ xogħol tal-familja kien ilaħħaq biss 46,5 % fl-2017.

5.2.2.

Din is-sitwazzjoni għandha impatt qawwi fuq l-iżvilupp tas-settur f’termini ta’ attraenza ġenerali għal atturi esterni, investituri u msieħba bankarji, u tipprevjeni l-iżvilupp ta’ sinerġiji ma’ setturi ekonomiċi oħra u tintensifika l-problema tat-tiġdid tal-ġenerazzjonijiet fiż-żoni rurali.

5.3.    Il-volatilità tal-prezzijiet u l-ħolqien ta’ swieq ġodda

5.3.1.

Il-prezzijiet f’termini reali (imnaqqsa) għal ħafna mill-prodotti ewlenin kienu ogħla fl-2017 milli fis-sena preċedenti: il-prezz medju tal-ħalib qabeż għal 17,1 % ogħla minn dak tal-2016, il-prezzijiet tal-majjal kienu 8,3 % ogħla, iċ-ċereali għolew bi 3,0 %, il-prezzijiet tal-bhejjem tal-ifrat żdiedu bi 2,2 % u l-prezzijiet tat-tjur kienu ogħla wkoll (+ 1,0 %). B’kuntrast, il-prezz f’termini reali tan-nagħaġ u l-mogħoż kompla jonqos (-1,4 %) fl-2017. Din ix-xejra pożittiva tal-biċċa l-kbira tal-komoditajiet kienet parti miż-żieda qawwija li bdiet fl-2003. Madankollu, fl-2008 seħħ tnaqqis qawwi fil-prezzijiet, li wassal għall-volatilità tal-prezzijiet fis-suq internazzjonali li kien ta’ sfida għall-bdiewa żgħar u ta’ daqs medju tal-UE kif ukoll għall-investituri riċenti fis-settur agrikolu.

5.3.2.

Minħabba n-natura eteroġenja tiegħu, is-settur agrikolu tal-UE rreaġixxa b’mod differenti għax-xokk tal-prezzijiet tal-2008: ħafna bdiewa żgħar u medji kienu sfurzati jiddependu biss fuq pagamenti diretti tal-PAK biex iżommu l-attivitajiet tagħhom ħajjin iżda dan ma kienx biżżejjed biex jiggarantixxi s-sostenibbiltà ekonomika tar-razzett tagħhom.

Meta wieħed iħares lejn l-esportazzjonijiet tal-UE, l-imsieħeb kummerċjali tal-UE fil-prodotti agrikoli huwa l-Istati Uniti (16 % tal-esportazzjonijiet agrikoli totali, li kienu jiswew EUR 33,3 biljun fl-2017). B’konċentrazzjoni bħal din ta’ esportazzjonijiet f’suq wieħed, is-settur agrikolu tal-UE huwa espost għal deċiżjonijiet politiċi ta’ partijiet terzi li jistgħu jwasslu għal ċaqliq qawwi fil-prezzijiet (jiġifieri l-implimentazzjoni ta’ projbizzjonijiet ta’ esportazzjoni jew dazji doganali għoljin).

Is-suq uniku tal-UE huwa l-aktar suq miftuħ u aċċessibbli fid-dinja, u jħalli lill-bdiewa tal-UE jiffaċċjaw l-isfida li jikkompetu ma’ prodotti agrikoli importati li jirrispettaw standards differenti tal-produzzjoni. Madankollu, it-traċċabbiltà tal-prodotti tal-ikel li ġejjin minn pajjiżi terzi għadha tista’ tittejjeb u tista’ twassal għal bosta kontroversji dwar il-kwalità tal-ikel u t-tikkettar tal-ikel relatati mal-prodotti importati (jiġifieri prodotti tal-ikel żviluppati permezz ta’ tekniki ta’ tgħammir ġodda, l-applikazzjoni tal-PPPs, ir-rispett tal-istandards tal-benesseri tal-annimali, eċċ.). Dawn l-importazzjonijiet huma kompetittivi ħafna fis-suq tal-UE minħabba l-istandard differenti tal-produzzjoni tagħhom, filwaqt li joħolqu tensjonijiet għall-bdiewa tal-UE li diġà jirrispettaw l-ogħla standards tal-produzzjoni fid-dinja.

5.4.    Id-depopolazzjoni taż-żoni rurali u t-tiġdid tal-ġenerazzjonijiet

5.4.1.

Skont il-Kummissjoni Ewropea, sebgħa minn kull għaxar (71,5 %) maniġers tal-irziezet fl-10,5 miljun azjenda tal-UE kienu rġiel u l-maġġoranza (57,9 %) kellhom 55 sena jew aktar. Madwar wieħed biss minn kull għaxar (10,6 %) maniġers tal-irziezet kien bidwi żagħżugħ taħt l-età ta’ 40 sena u dan is-sehem kien saħansitra anqas fost il-bdiewa nisa (8,6 %).

5.4.2.

Il-bdiewa, is-sidien tal-foresti, l-azjendi agrikoli u l-kooperattivi agrikoli huma s-sinsla ekonomika taż-żoni rurali tal-UE. It-tixjiħ tal-bdiewa jikkawża depopolazzjoni ġeneralizzata taż-żoni rurali (l-hekk imsejħa “dijaspora rurali”) b’konsegwenzi diretti fuq in-nisġa ekonomika u soċjetali ta’ dawn it-territorji. Barra minn hekk, ġenerazzjonijiet ġodda huma skoraġġuti milli jkomplu bin-negozju tal-familja tagħhom minħabba l-profittabbiltà baxxa tal-attività tal-biedja u d-diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-art.

6.   Perspettivi

6.1.    Id-diġitalizzazzjoni u l-biedja ta’ preċiżjoni

6.1.1.

L-agrikoltura mxiet ’il quddiem f’era ta’ biedja diġitalment imtejba, fejn kull apparat li jipproduċi d-data matul d-diversi stadji tal-produzzjoni agrikola jista’ jibgħat dik l-informazzjoni biex tinġabar, tiġi pproċessata u analizzata. L-użu tal-big data jista’ jgħin lill-bdiewa jinvolvu ruħhom fir-rigward tal-futur tal-biedja u jiksbu miri ambizzjużi.

6.1.2.

Ir-razzett jipproduċi ħafna tipi ta’ data li jistgħu jiġu kklassifikati f’kategoriji differenti, bħal data agronomika, data finanzjarja, data tal-konformità, data meteoroloġika, data ambjentali, data tal-magni, data tal-persunal, eċċ. Dawn is-settijiet ta’ data jkunu ġejjin minn firxa wiesgħa ta’ sorsi dejjem aktar b’saħħithom u kosteffettivi, bħal makkinarju, drones, GPS, sensuri remoti, satelliti, smartphones u oħrajn, u huma ssupplimentati minn fornituri ta’ servizzi, korpi konsultattivi, awtoritajiet pubbliċi, eċċ. Barra minn hekk, l-imsieħba l-oħra fil-katina tal-valur, bħall-proċessuri u l-bejjiegħa bl-imnut, is-supermarkets, il-hypermarkets kif ukoll l-aġenziji tar-riklamar qed jiġbru ammonti enormi ta’ data dwar is-swieq li fihom il-bdiewa jbigħu l-prodotti tagħhom.

6.1.3.

Il-ġbir u l-użu tad-data fl-agrikoltura mhux kunċett ġdid; il-bdiewa ilhom jagħmlu proprju dan mill-bidu tal-agrikoltura. Dak li hu ġdid, madankollu, huwa l-opportunità li jiġi żviluppat settur tal-biedja orjentat lejn id-data bis-saħħa tad-daqs u l-volum ta’ din id-data, li qed jikbru b’rata esponenzjali. Novità oħra hija l-kwalità tal-informazzjoni f’ħin reali miksuba fil-livell tar-razzett u t-teknoloġija użata għall-ġbir, il-ħażna, l-użu, il-ġestjoni, l-iskambju, l-ipproċessar u l-komunikazzjoni tad-data.

6.1.4.

Is-sjieda tad-data u d-dritt li jiġi ddeterminat min jista’ jaċċessa u juża d-data huma vitali biex jinżamm l-involviment tal-bdiewa fl-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda. Bħalissa, m’hemm l-ebda qafas komuni fejn is-sjieda tad-data hija spjegata b’mod ċar. Għal din ir-raġuni, is-settur agrikolu tal-UE bena Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-kondiviżjoni tad-data agrikola bi ftehim kuntrattwali (3), fejn jispjega d-dritt tal-oriġinatur tad-data li jkun ikkumpensat għall-użu tad-data maħluqa bħala parti mill-attività tiegħu.

6.1.5.

Id-diġitalizzazzjoni u l-biedja ta’ preċiżjoni għandhom rwol ewlieni fit-tiswir tal-futur tas-settur agrikolu tal-UE. Jaffettwaw ukoll is-suq tax-xogħol u t-tip ta’ ħiliet meħtieġa fl-agrikoltura, u qed jiddefinixxu mill-ġdid ir-rwol tal-bdiewa u l-mudelli tan-negozju tal-kooperattivi agrikoli.

6.2.    Il-miżuri tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima

6.2.1.

Is-settur agrikolu tal-UE implimenta numru kbir ta’ azzjonijiet sabiex itejjeb is-sostenibbiltà ambjentali tiegħu matul l-aħħar deċennji. Il-PAK timponi azzjonijiet ambjentali stretti u li joffru sfida u prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli li jibdlu l-mod kif joperaw il-bdiewa fl-għelieqi, billi tgħaqqad b’mod effettiv il-kwalità mas-sostenibbiltà.

6.2.2.

L-agrikoltura u l-forestrija għandhom rwol speċjali fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima minħabba li huma l-uniku settur ekonomiku li, permezz tal-fotosinteżi, ineħħi l-gassijiet serra mill-atmosfera. Din il-kisba mis-settur għadha mhijiex rikonoxxuta għalkollox, ikkalkulata jew ikkunsidrata sew, u evalwazzjoni aħjar ta’ kif il-foresti u l-uċuħ tar-raba’ permanenti u annwali jistgħu jikkontribwixxu għall-emissjoni ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għandha tiġi kkunsidrata aktar minn dawk li jfasslu l-politika.

6.2.3.

Illum, il-bdiewa jixtiequ jaraw l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima rikonoxxuti mis-soċjetà kif ukoll minn dawk li jfasslu l-politika. B’mod speċjali dawk li jfasslu l-politika għandhom ikunu konxji li l-miżuri ambjentali m’għandhomx jipperikolaw is-sikurezza tal-ikel u għandhom iżommu f’moħħhom li l-bdiewa għandhom bżonn remunerazzjoni ġusta għax-xogħol żejjed li l-miżuri sostenibbli u ta’ mitigazzjoni spiss jirrikjedu.

6.3.    Iż-żieda fit-trasparenza tas-swieq fil-katina tal-provvista tal-ikel

6.3.1.

Id-distribuzzjoni tal-valur miżjud fil-katina tal-ikel hija ta’ madwar 25 % għall-bidwi, 25 % għall-ipproċessar tal-ikel u 50 % għas-servizzi tal-bejgħ bl-imnut tal-ikel u tal-ikel, skont l-iskeda informattiva tal-Kummissjoni maħruġa f’Marzu 2017.

6.3.2.

Bħalissa, jeħtieġ li d-Direttiva Ewropea dwar il-prattiki kummerċjali inġusti tiġi rispettata b’mod strett. Fost l-intrapriżi tal-katina agrikola u tal-ikel, joħroġ fid-dieher b’mod kostanti sproporzjon kbir fis-saħħa ta’ negozjar bejn il-bdiewa u l-proċessuri ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel. F’din is-sitwazzjoni żbilanċjata jintervjenu bis-saħħa l-organizzazzjonijiet kummerċjali kbar (supermarkets, hypermarkets, kmamar kbar tal-industrija tal-ikel u tal-ipproċessar li joperaw fl-Ewropa kollha).

6.3.3.

L-istadji tal-ipproċessar u tal-bejgħ bl-imnut wessgħu l-valur miżjud totali tagħhom fil-katina tal-ikel billi segwew iż-żieda fid-domanda tal-konsumatur għal prodotti ta’ konvenjenza. Fl-istess ħin, il-valur miżjud fl-agrikoltura naqas mill-2014 ’il quddiem (b’4 % anqas fl-2016). Dan huwa dovut għal żieda fl-ispejjeż tal-input minħabba l-kompetizzjoni għal riżorsi skarsi kif ukoll il-possibbiltajiet limitati għall-bdiewa biex iżidu l-valur għall-prodott bażiku jew biex jitħallsu għalih.

6.3.4.

Barra minn hekk, Oxfam fl-istudju riċenti tagħhom “Ripe for change" (Wasal iż-żmien għal bidla) (2018) spjegaw l-inugwaljanza tal-katina tal-provvista tal-ikel, abbażi ta’ eżempji mir-Renju Unit, in-Netherlands u l-Ġermanja, fost oħrajn. Meta ħares fid-dettall lejn l-analiżi tal-prezzijiet tal-konsumatur aħħari, l-istudju ffoka fuq ir-Renju Unit sab li fl-2015 aktar minn nofs ta’ dan il-prezz mar għas-supermarkets (52,8 %), 38,5 % marru għall-kummerċjanti u għall-manifatturi tal-ikel u 5,7 % biss tal-prezz marru għall-bdiewa u l-ħaddiema fuq skala żgħira. L-aħħar 3 % tal-prezz marru għall-ispiża tal-inputs.

6.3.5.

Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, minħabba l-livell għoli ta’ konċentrazzjoni tas-settur tal-bejgħ bl-imnut u l-importanza fundamentali tad-difiża ta’ suq intern li jaħdem sew, il-leġislazzjoni qafas tal-UE li tinkludi l-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) b’mekkaniżmi ta’ kontroll u infurzar flimkien ma’ sanzjonijiet ta’ deterrent kienet punt tat-tluq tajjeb. Huwa kruċjali li jitkompla dan l-isforz biex tiżdied it-trasparenza tas-suq, filwaqt li jiġi żgurat sehem ġust tal-valur għall-bdiewa. Barra minn hekk, f’Lulju 2020 se jiġi implimentat ir-regolament il-ġdid dwar il-ħaddiema stazzjonati, u għandu jikkontribwixxi għal negozju aktar trasparenti u ġust fost il-bdiewa fil-livell nazzjonali.

6.3.6.

Fuq livell nazzjonali, għandha tingħata konsiderazzjoni għal approċċ ta’ negozjati tas-suq bil-maqlub permezz tal-istabbiliment ta’ katini tal-valur li jimmira li jagħti lill-bdiewa dħul fix-xahar tad-doppju tal-paga minima.

7.   Soluzzjonijiet

7.1.

Is-sistema ta’ azjendi agrikoli tal-familja, li hija apprezzata ferm mill-konsumaturi Ewropej, teħtieġ politiki tajbin, regolamentazzjoni ġusta u raġonevoli flimkien ma’ leġiżlazzjoni b’saħħitha u effettiva li se tgħin biex ittaffi t-theddida serja ta’ volatilità estrema tal-prezzijiet u l-iżbilanċ dejjem jiżdied tal-poter fil-katina tal-provvista. It-task force għas-swieq agrikoli hija pass f’din id-direzzjoni, iżda jeħtieġ li tissaħħaħ aktar.

7.2.    Ir-riċerka u l-innovazzjoni adattati għall-bżonnijiet tal-bdiewa, approċċ b’diversi atturi u l-involviment dirett tal-partijiet ikkonċernati

7.2.1.

Il-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati hija essenzjali biex ir-riċerka titpoġġa fil-prattika. It-tqegħid tal-interessi tal-bdiewa fil-qalba tal-proċess tal-innovazzjoni mhux biss se jaċċelera l-impatt tiegħu b’mod sinifikanti iżda se jiżgura wkoll l-prattikabbiltà tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni. Barra minn hekk, dan jgħin biex jiżgura li l-fondi tar-riċerka mogħtija jintefqu aħjar.

7.2.2.

Il-bdiewa, l-ażjendi agrikoli, is-sidien tal-foresti u l-kooperattivi tagħhom jistgħu jkunu muturi tal-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku, anke permezz ta’ programmi tal-gvern. Għalhekk, l-involviment tagħhom mill-bidu nett f’attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fl-oqsma tal-agrikoltura, l-ikel, il-forestrija u l-akkwakultura għandu jiġi promoss u mħeġġeġ. L-involviment tagħhom fl-istadji kollha tal-proġetti se jiżgura riċerka u innovazzjoni immexxija aktar mid-domanda kif ukoll jgħin biex titnaqqas id-differenza attwali bejn l-akkademja u l-prattika, lejn soluzzjonijiet applikabbli. Fl-aħħar mill-aħħar, dan għandu jwassal biex il-bdiewa u l-produtturi tagħna jsiru aktar kompetittivi.

7.3.    Eċċellenza u Kwalità (Organiċi, IĠ, immarkar u katina tal-provvista tal-ikel qasira)

7.3.1.

Il-prodotti b’valur miżjud għoli bħall-Indikazzjoni Ġeografika u l-prodotti organiċi huma sors tajjeb ta’ dħul għal ħafna operaturi, speċjalment il-bdiewa. Dawn il-ktajjen tal-ikel partikolari huma saħansitra aktar interessanti jekk ma jkunx hemm intermedjarji. F’dan il-każ dawn il-katini tal-provvista qosra jsiru sors ta’ dħul remunerattiv ħafna għall-bdiewa u l-komunità rurali fejn jiġu prodotti dawn il-prodotti.

7.3.2.

Fid-dettalji, il-ktajjen qosra tal-provvista tal-UE jirrappreżentaw alternattiva għal ktajjen tal-ikel konvenzjonali itwal fejn bdiewa żgħar jew kooperattivi ħafna drabi għandhom ftit setgħa ta’ negozjar u l-konsumatur ma jistax jintraċċa l-ikel lil produttur jew żona lokali magħrufa. Sistema tal-ikel bħal din hija ta’ interess konsiderevoli peress li tirrispondi għal numru ta’ ħtiġijiet u opportunitajiet, kemm tal-bdiewa kif ukoll tal-konsumaturi. L-iżvilupp ta’ tipi differenti ta’ ktajjen qosra tal-provvista tal-ikel (jiġifieri bejgħ dirett minn individwi u/jew bejgħ dirett kollettiv, sħubijiet – agrikoltura appoġġjata mill-komunità) huwa wieħed mill-approċċi tal-Politika Agrikola Komuni għat-titjib tal-kompetittività fl-Ewropa. Il-ktajjen qosra tal-provvista tal-ikel jistgħu jaġixxu bħala mutur tal-bidla u mudell biex iżidu t-trasparenza, il-fiduċja, l-ekwità u t-tkabbir fil-katina agroalimentari kollha.

7.3.3.

Kwantità suffiċjenti ta’ ikel tiggarantixxi ċertu livell ta’ stabbiltà soċjali fil-ħajja taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ parti mill-pjaneta tagħna fejn hemm nuqqas ta’ ikel, li twassal ukoll għal migrazzjoni ekonomika lejn l-Ewropa jew lejn pajjiżi oħra.

7.4.    L-edukazzjoni u l-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda għas-settur primarju (iqsar)

7.4.1.

Skont il-Eurostat, ħafna mill-maniġers tal-irziezet fl-UE għandhom biss esperjenza prattika; dan kien il-każ għal sebgħa minn kull għaxra (68,3 %) minnhom fl-2016. Anqas minn wieħed minn kull għaxar (9,1 %) maniġers tal-irziezet kellhom taħriġ agrikolu sħiħ, u l-bqija (22,6 %) kellhom taħriġ agrikolu bażiku.

7.4.2.

L-edukazzjoni fis-settur primarju hija kruċjali biex trawwem il-modernizzazzjoni u ttejjeb l-użu ta’ teknoloġiji ġodda.

7.4.3.

Illum dan huwa vitali, fejn il-ħiliet diġitali qed isiru element essenzjali tal-ġestjoni moderna tal-irziezet. Dawn il-ħiliet huma meħtieġa f’ħafna oqsma, u l-agrikoltura mhijiex eċċezzjoni. Qed tikber il-ħtieġa għal nies b’ħiliet tal-ICT u ħiliet diġitali fl-agrikoltura, imma hemm diskrepanza ċara fil-ħiliet f’dan is-settur, speċjalment fiż-żoni rurali.

7.4.4.

Sabiex il-komunità tal-biedja tieħu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet tat-trasformazzjoni teknoloġika u diġitali, jeħtieġ li jittejjeb il-livell tal-ħiliet diġitali fil-forza tax-xogħol tal-biedja.

7.4.5.

Dan jista’ jsir fil-livell tar-razzett u fi ħdan assoċjazzjonijiet u kooperattivi, kif ukoll fis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE, li għandha tipprovdi programmi tul il-ħajja biex jiġu żviluppati ħiliet ġodda.

Brussell, it-18 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Eurostat, Agriculture, forestry and fishery statistics 2018 (Statistika dwar l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd tal-2018)

(2)  Eurostat, Agriculture, forestry and fishery statistics 2018 (Statistika dwar l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd tal-2018).

(3)  COPA-Cogeca – EU Code of conduct on agricultural data sharing by contractual agreement (Kodiċi ta’ kondotta dwar il-kondiviżjoni tad-data agrikola permezz ta’ ftehim kuntrattwali (Mhux disponibbli bil-Malti))


18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/79


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-trasport, l-enerġija u s-servizzi ta’ interess ġenerali bħala xpruni tat-tkabbir sostenibbli tal-UE permezz tar-rivoluzzjoni diġitali”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 353/13)

Relatur: Alberto MAZZOLA

Korelatur: Evangelia KEKELEKI

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.1.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

3.7.2019

Adottata fil-plenarja

17.7.2019

Sessjoni plenarja nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

183/13/19

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jemmen li sistemi Ewropej sodi tat-trasport, l-enerġija u s-servizzi ta’ interess ġenerali huma vitali għal kontinent integrat bis-sħiħ li jindirizza l-isfidi globali ta’ tkabbir kompetittiv sostenibbli f’ambjent modern, diġitalizzat u intelliġenti li jista’ jindirizza t-tkabbir ekonomiku, il-prosperità, l-opportunitajiet ta’ impjiegi, il-faqar, l-inugwaljanza, il-klima, il-paċi u l-ġustizzja, kif meħtieġ mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Il-parteċipazzjoni attiva u l-involviment taċ-ċittadini tal-UE – bħala imprendituri, produtturi, ħaddiema, konsumaturi, prosumaturi, investituri u utenti finali – għandhom ikunu, skont il-KESE, fiċ-ċentru tal-għażliet u tal-azzjonijiet ta’ politika.

1.2.

Il-KESE huwa konvint bis-sħiħ li t-tlestija tas-Suq Uniku tal-UE għadha l-aktar pilastru importanti biex jissaħħaħ it-tkabbir Ewropew diġitalizzat. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea (KE) issaħħaħ u tivverifika l-implimentazzjoni korretta tal-leġislazzjoni approvata kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi u jħeġġeġ lill-KE tirrevedi l-White Paper tas-Suq Uniku sabiex toħloq strateġija biex jitlesta s-Suq Uniku sal-2025, għal kumpaniji aktar b’saħħithom akkumpanjati minn protezzjoni usa’ għall-ħaddiem u l-konsumatur u li tkopri servizzi tat-trasport Ewropej ġodda, intelliġenti, interkonnessi bis-sħiħ u interoperabbli, l-enerġija u s-servizzi ta’ interess ġenerali.

1.3.

Il-KESE jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ ambjent regolatorju li jixpruna l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni, u jagħti liċ-ċittadini u lill-kumpaniji fiduċja u sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tat-teknoloġija diġitali applikati għat-trasport, l-enerġija u s-servizzi ta’ interess ġenerali għaċ-ċittadini, il-konsumaturi, il-kumpaniji u l-ħaddiema, inklużi dawn kollha kkombinati f’“persuna elettronika” unika. Il-KESE jissuġġerixxi tranżizzjoni mill-kunċetti tas-sjieda tad-data għal definizzjoni tad-drittijiet tad-data għall-persuni u l-entitajiet legali. Il-konsumaturi għandu jkollhom kontroll tad-data prodotta mit-tagħmir konness sabiex il-privatezza tal-konsumaturi tkun żgurata.

1.4.

Il-fluss liberu tad-data huwa essenzjali. Għalhekk, il-KESE jitlob li jinstabu soluzzjonijiet effettivi li jeliminaw il-problemi assoċjati mal-aċċessibbiltà, l-interoperabbiltà u t-trasferiment tad-data, filwaqt li jiġu żgurati protezzjoni xierqa tad-data u l-privatezza, kompetizzjoni ġusta u għażla usa’ għall-konsumatur. L-istess kundizzjonijiet għandhom japplikaw għall-kumpaniji pubbliċi u privati b’kundizzjonijiet ta’ reċiproċità għall-iskambji tad-data u l-kumpens tal-ispejjeż.

1.5.

Il-KESE jappella lill-KE u lill-Istati Membri biex jallokaw biżżejjed riżorsi u setgħat biex jimmonitorjaw u jinfurzaw b’mod effiċjenti l-leġislazzjoni eżistenti. Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw malajr il-proposta tal-KE għal skema ta’ rimedju kollettiv tal-UE. Għandu jiġi żgurat li l-każijiet sostanzjati tajjeb biss jitmexxew ’il quddiem, b’hekk tiġi evitata litigazzjoni eċċessiva.

1.6.

Il-KESE għandu pożizzjoni ċara dwar il-kwistjoni rigward sa fejn huwa etikament aċċettabbli li d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu jiġu ddelegati lil sistemi bbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali (IA): is-sistemi awtomatizzati kollha, irrispettivament minn kemm huma sofistikati, iridu joperaw skont il-prinċipju tal-kontroll mill-bniedem fuq il-magna.

1.7.

Il-KESE jistieden lill-KE tippubblika gwida u kjarifiki dwar ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) biex jinkiseb infurzar uniformi u livell għoli ta’ protezzjoni tad-data u tal-konsumatur, inkluż għal karozzi konnessi u awtomatizzati, u biex jiġu riveduti r-responsabbiltà tal-prodott u r-regoli tal-assigurazzjoni biex jiġu adattati għal sitwazzjoni fejn id-deċiżjonijiet se jsiru dejjem aktar permezz ta’ softwer. Iċ-ċibersigurtà hija ta’ importanza kbira sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni sikura u aċċettata.

1.8.

Il-KESE jħeġġeġ lill-KE tiżviluppa qafas xieraq għas-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali u diġitalizzati biex tiġi kondiviża d-data dwar is-saħħa taċ-ċittadini tal-UE skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, fi kliem ieħor taħt kondizzjonijiet stretti ta’ privatezza u anonimità, għall-finijiet ta’ riċerka u innovazzjoni mwettqa mill-istituzzjonijiet u l-kumpaniji tal-UE.

1.9.

Peress li l-5G ser tgħolli t-teknoloġija tal-mowbajl u tal-Internet għall-istatus ta’ Teknoloġija għal Użu Ġenerali li tikkontribwixxi b’mod qawwi għall-“proċess ta’ mutazzjoni industrijali li kontinwament qed jirrevoluzzjona minn ġewwa l-istruttura ekonomika, qed kontinwament jeqred il-qadima, u bla heda joħloq waħda ġdida ...”, il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex ilestu s-Suq Uniku Diġitali inkluż l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet biex jintegraw u jużaw is-servizzi tal-5G biex jiddefendu u jtejbu l-kompetittività tal-industriji Ewropej bħat-trasport u l-karozzi, l-enerġija, il-kimiki u l-farmaċewtiċi, il-manifattura, inklużi l-SMEs, u l-finanzi, fejn l-Ewropa hija forza dinjija ewlenija.

1.10.

Il-KESE jistieden lill-KE biex timmonitorja b’mod strett il-progress fit-tixrid u l-użu reali tal-5G u jistieden lill-Istati Membri biex iħaffu aktar il-proċess. Il-KESE jissuġġerixxi li tiġi adottata politika Ewropea li tirrikjedi li kull pajjiż ikollu mill-inqas żewġ fornituri, li tal-inqas wieħed minnhom ikun Ewropew.

1.11.

Barra minn hekk, sabiex ikunu jistgħu jiġu vvalutati r-riskji potenzjali tar-radjazzjoni elettromanjetika għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tara li titwettaq valutazzjoni tal-impatt bijoloġiku tar-radjazzjoni tal-5G.

1.12.

Il-KESE jindika li t-trasformazzjoni diġitali tas-sistemi Ewropej ta’ enerġija u trasport jirrikjedu settijiet ta’ ħiliet ġodda għall-ħaddiema u l-impjegati fil-livelli kollha, u jenfasizza l-ħtieġa għal rabtiet aktar b’saħħithom bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-industrija, li jrawmu mekkaniżmi fuq skala kbira li jsaħħu l-litteriżmu diġitali, il-kapaċitajiet diġitali tul il-ħajja u t-taħriġ permanenti: il-Fond Soċjali Ewropew irid jikkontribwixxi għal dawn il-kwistjonijiet. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma meħtieġa wkoll għaċ-ċittadini u l-konsumaturi sabiex ma jiġux esklużi mis-suq diġitali minħabba nuqqas ta’ aċċess għan-netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew minħabba l-illitteriżmu diġitali. Għall-KESE hemm il-ħtieġa li tittejjeb l-iġjene ċibernetika anke permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fost l-individwi u n-negozji (1).

1.13.

Bil-għan li jorganizza t-tranżizzjoni lejn mobilità mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi, il-KESE jappoġġja: approċċ integrat u sistemiku, li huwa teknoloġikament newtrali; vetturi u infrastruttura b’emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet; bidla gradwali u fit-tul għal karburanti alternattivi u mingħajr emissjonijiet netti ta’ karbonju; żieda fl-effiċjenza, bħal fil-każ tal-Ajru Uniku Ewropew, billi jsir l-aqwa użu mit-teknoloġiji diġitali, bħal fil-każ tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), u l-ipprezzar intelliġenti u billi jitħeġġu aktar l-integrazzjoni multimodali u l-bidliet lejn modi tat-trasport aktar sostenibbli; ċittadini responsabilizzati li huma dejjem aktar konnessi u li jagħżlu “l-mobilità bħala servizz”.

1.14.

Skont il-KESE, il-kontribut tas-settur tal-enerġija għad-dekarbonizzazzjoni għandu jgħaddi minn diversi azzjonijiet:

l-użu ta’ teknoloġiji emerġenti ewlenin favur ekonomija newtrali mil-lat ta’ klima, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u ċirkolari;

konċentrazzjoni fuq grilji intelliġenti biex jiġi integrat u ottimizzat l-użu ta’ sorsi rinnovabbli differenti;

teknoloġiji nodfa fil-produzzjoni, il-ħżin, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-enerġija, ir-rispons min-naħa tad-domanda, l-effiċjenza enerġetika, il-bini u l-mikroġenerazzjoni;

strateġija speċjali għal industriji u reġjuni b’użu intensiv tal-enerġija;

sistema aktar robusta għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet;

strumenti aktar b’saħħithom għas-sigurtà u ċ-ċibersigurtà tal-istrutturi u n-netwerks.

1.15.

Il-KESE jirrimarka li:

l-infrastrutturi Ewropej kbar interkonnessi tal-enerġija, it-trasport u l-komunikazzjoni huma l-punti nodali vitali tas-Suq Uniku u huma meħtieġa jekk l-UE trid tibqa’ fuq quddiem nett tal-progress u l-kompetizzjoni madwar id-dinja;

il-prijorità tat-trasport li n-netwerk TEN-T jitlesta tirrikjedi investimenti ta’ madwar EUR 500 biljun għan-netwerk ewlieni biss sal-2030;

l-investimenti minn atturi tas-suq fl-Ewropa għall-5G huma stmati għal EUR 60-100 biljun fis-sena għall-ħames snin li ġejjin; il-konnettività fiż-żoni rurali tkun teħtieġ investiment ta’ EUR 127 biljun;

il-ksib ta’ ekonomija b’emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b’effett ta’ serra ser jirrikjedi investimenti addizzjonali fil-firxa ta’ EUR 175 biljun sa EUR 290 biljun fis-sena għal total ta’ EUR 520-575 biljun fl-enerġija, u madwar EUR 850-900 biljun fit-trasport.

1.16.

Sabiex jiġu ffinanzjati tali investimenti kbar, madwar 9-10 % tal-PDG tal-UE, l-aktar privati, u fil-biċċa l-kbira addizzjonali, il-KESE jirrakkomanda li jitrawmu ambjent li jiffavorixxi l-investiment, inkluża l-implimentazzjoni tar-“regola tad-deheb dwar l-investiment” u skemi finanzjarji ġodda permezz ta’ strumenti ta’ koeżjoni, il-BEI, l-FNE u InvestEU, Orizzont Ewropa u inizjattivi konġunti pubbliċi u privati. Il-KESE jittama li l-investituri pubbliċi u privati jistgħu jġwettqu dawn l-investimenti, u għal dan il-għan jirrakkomanda li l-proċeduri amministrattivi jiġu ssemplifikati, il-fondi u l-finanzjament jiġu estiżi, l-esternalitajiet negattivi u pożittivi jiġu internalizzati, u jitrawwem ambjent li jiffavorixxi l-investiment. Il-ħidma kontinwa biex tinħoloq tassonomija tal-UE għal finanzjament ekoloġiku huwa pass importanti.

1.17.

Madankollu l-KESE huwa konvint bis-sħiħ li huwa biss kompromess politiku u soċjali bbażat fuq viżjoni sistematika kondiviża b’kisba ċara tal-objettivi intermedji verifikabbli fuq perjodu qasir u medju li jiżgura li jiġu aċċettati impenn finanzjarju enormi bħal dan min-naħa ta’ investituri privati u investiment pubbliku enormi bħal dan mill-kontribwent Ewropew.

2.   Sfidi trasversali

2.1.

L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) huma sejħa għal azzjoni mill-pajjiżi kollha biex jinkiseb futur aħjar u aktar sostenibbli għal kulħadd. Huma jindirizzaw l-isfidi globali li qed niffaċċjaw, inklużi dawk relatati mat-tkabbir ekonomiku, il-prosperità, il-faqar, l-inugwaljanza, il-klima, l-opportunitajiet ta’ impjieg, il-paċi u l-ġustizzja. L-SDGs huma wkoll sejħa urġenti biex id-dinja tersaq f’direzzjoni aktar sostenibbli. Id-diġitalizzazzjoni hija strettament marbuta mal-SDGs, peress li tgħin biex jintlaħqu permezz tar-responsabilizzazzjoni tal-industrija, l-innovazzjoni, l-infrastruttura u s-soċjetà b’mod ġenerali. Hemm evidenza ċara tar-rabta pożittiva bejn id-diġitalizzazzjoni u l-ksib ta’ bosta SDGs.

2.2.

Il-KESE jqis li l-Ewropa għandha tkun miftuħa għall-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ tipi ġodda ta’ mudelli ta’ negozju, ibbażati fuq pjattaformi diġitali, dment li jiġu ssalvagwardjati l-klawżoli ta’ trasparenza u dawk soċjali.

2.3.

Filwaqt li aktar u aktar nies għandhom aċċess għat-teknoloġiji diġitali, qed jippersisti distakk diġitali fl-użu tat-teknoloġiji diġitali peress li xi wħud m’għandhomx aċċess għalihom u xi wħud huma aktar kapaċi minn oħrajn li jisfruttaw it-trasformazzjoni diġitali għal ħajja aħjar.

2.4.

It-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija Ewropea titlob settijiet ta’ ħiliet ġodda fil-livelli kollha. F’ħafna Stati Membri r-rabtiet bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u l-industrija huma neqsin, meta, għall-kuntrarju, dawn l-iżviluppi jeħtieġu kooperazzjoni akbar sabiex jiġi evitat li jiżviluppaw diskrepanzi u spariġġi fil-ħiliet. L-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwi u t-tagħlim tul il-ħajja huma elementi kruċjali fl-adattament għat-trasformazzjoni ta’ postijiet tax-xogħol u fit-trawwim ta’ żvilupp professjonali. L-edukazzjoni u t-taħriġ, anke permezz ta’ proġetti ta’ riċerka huma mod essenzjali biex jitrawmu t-talenti u jingħataw ħiliet ta’ livell għoli sabiex l-UE tibqa’ kompetittiva.

2.5.

Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-UE u l-Istati Membri jeħtieġu jappoġġjaw lill-ħaddiema f’riskju li jitilfu xogħolhom minħabba kemm it-tranżizzjoni diġitali kif ukoll it-tranżizzjoni tal-enerġija. Għal dan il-għan, il-KESE jistieden lill-KE, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-UE jiżguraw li l-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni jitfasslu u jiġu ffinanzjati b’mod xieraq biex jindirizzaw dawn l-isfidi.

2.6.

Il-fluss liberu tad-data huwa essenzjali. Għalhekk, il-KESE jitlob li jinstabu soluzzjonijiet effettivi li jeliminaw il-problemi assoċjati mal-aċċessibbiltà, l-interoperabbiltà u t-trasferiment tad-data, filwaqt li jiġu żgurati protezzjoni tad-data u privatezza adatti. L-istess kundizzjonijiet għandhom japplikaw għall-kumpaniji pubbliċi u privati b’kundizzjonijiet ta’ reċiproċità għall-iskambji tad-data u l-kumpens tal-ispejjeż.

2.7.

Il-KESE jistieden lill-KE tiggarantixxi l-kompetizzjoni ġusta u l-għażla tal-konsumatur fil-qasam tal-aċċess għad-data. Fl-industrija tal-karozzi, l-aċċess ġust għad-data abbord il-vetturi ser ikun kruċjali biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal servizzi tal-mobilità kompetittivi, konvenjenti u innovattivi. Il-KESE jirrakkomanda li l-KE tipprovdi gwida dwar kif ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u r-regoli dwar il-privatezza japplikaw għall-karozzi konnessi u awtomatizzati. Jista’ jkun hemm ukoll sfidi simili fil-qasam tat-trasport pubbliku għall-“mobilità bħala Servizz”.

2.8.

Il-KESE jistieden ukoll lill-KE tirrevedi r-regoli dwar ir-responsabbiltà għal dannu minn prodotti u dwar l-assigurazzjoni biex tadattahom għal sitwazzjoni fejn id-deċiżjonijiet ser isiru dejjem aktar permezz tas-softwer. Il-prinċipji tas-sikurezza u s-sigurtà mid-disinn u b’mod awtomatiku għandhom jiġu applikati b’mod sistematiku sabiex tiżdied il-fiduċja fl-użu ta’ dawn it-teknoloġiji.

2.9.

Iċ-ċibersigurtà hija ta’ importanza kbira sabiex tiġi ggarantita tranżizzjoni sikura. Hemm bżonn li jiġu indirizzati bis-sħiħ l-isfidi identifikati għas-setturi kruċjali fil-livell tal-UE – għandu jitħeġġeġ ir-rwol tal-aġenzija Ewropea taċ-ċibersigurtà, biex jitnaqqas ir-riskju ta’ konnessjonijiet dgħajfa fil-grilja Ewropea dejjem aktar interkonnessa. Il-KESE b’mod partikolari jilqa’ l-ħidma f’dan ir-rigward tan-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E).

2.10.

Kwantitajiet kbar ta’ data huma ġġenerati minn sensuri u bl-introduzzjoni progressiva tal-miters intelliġenti. Data bħal din trid tiġi pproċessata u tkun aċċessibbli mill-partijiet interessati rilevanti b’mod sikur u trasparenti li jippreserva l-libertajiet individwali. Il-KESE jenfasizza li filwaqt li l-potenzjal tat-teknoloġiji intelliġenti huwa sinifikanti, madankollu jisfida ħafna prinċipji stabbiliti sew ta’ protezzjoni tal-konsumatur, bħall-privatezza, ir-responsabbiltà u s-sikurezza, kif ukoll l-isforzi biex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku. Fir-rigward tad-data, ir-regolaturi jeħtieġu jsibu approċċ li jippermetti lill-konsumaturi jkollhom aċċess u kontroll kostanti għad-data li jipproduċu huma stess u li jippromovi l-kompetizzjoni u joffri servizzi innovattivi.

2.11.

L-intelliġenza artifiċjali dalwaqt ser tittrasforma s-setturi kollha u twassal għal għadd ta’ sfidi. Pereżempju, hemm bżonn garanziji fir-rigward tat-trasparenza tat-teħid awtomatiku ta’ deċiżjonijiet u l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi.

2.12.

Il-konsumaturi jeħtieġ ukoll li jkollhom aċċess għal prodotti sempliċi u standardizzati, speċjalment għall-konsumaturi li mhumiex esperti, il-konsumaturi anzjani u dawk kollha f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

3.   It-trasport

3.1.

Fis-suq uniku tal-UE, is-settur tat-trasport jammonta għal 6,3 % tal-PDG tal-UE u jimpjega direttament madwar 13-il miljun ruħ fl-UE: aktar minn 7 % tal-impjiegi totali tal-UE, inklużi madwar 2,3 miljun persuna fil-manifattura tal-karozzi.

3.1.1.

It-trasport huwa faċilitatur importanti ta’ diversi SDGs fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku, l-industrija u l-SMEs, kif ukoll il-kummerċ u l-investiment. Sadanittant, it-trasport għandu wkoll problemi biex jissodisfa l-SDGs 2 kif ukoll l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi” (2).

3.1.2.

It-tfassil tal-politika tat-trasport jeħtieġ li jiffoka fuq it-tlestija ta’ suq uniku ġust, effettiv u kompletament diġitalizzat li jġib miegħu benefiċċji tanġibbli għal kulħadd. S’issa għadu taħlita frammentata, inkluż fir-rigward tal-kompetizzjoni internazzjonali. Is-settur tat-trasport jaqdi funzjoni importanti wkoll bħala wieħed mill-faċilitaturi ewlenin tas-suq uniku inġenerali.

3.1.3.

“Fit-trasport bit-triq għadu ma nstabx bilanċ xieraq validu fl-UE kollha bejn il-klawżoli ta’ liberalizzazzjoni u dawk soċjali għas-sewwieqa fit-toroq minkejja l-bidliet reċenti li ġew proposti fil-leġislazzjoni dwar it-toroq” (3). In-nuqqas ta’ infurzar illum huwa rikonoxxut bħala l-problema ewlenija fit-toroq flimkien ma’ nuqqas ta’ madwar 20 % ta’ sewwieqa fit-toroq.

3.1.4.

It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-UE, li ġie liberalizzat fl-2007 għadu mhux interoperabbli, minkejja li 50 % tat-traffiku huwa internazzjonali. Is-sodisfazzjon tal-passiġġieri għandu jittejjeb aktar. L-iskjerament tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) għandu jkun il-qofol tal-istrateġija tal-UE għall-Ferroviji Diġitali sabiex il-vantaġġi tagħha jkunu jistgħu jitpoġġew fil-prattika (pereżempju armonizzazzjoni teknika u operazzjonali, żieda fil-kapaċità tan-netwerk, affidabbiltà mtejba, spejjeż ta’ manutenzjoni mnaqqsa, operazzjoni awtomatika tal-ferroviji, eċċ.).

3.1.5.

Fl-avjazzjoni, is-swieq qed jaħdmu b’mod aktar effiċjenti. Il-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru tnaqqsu b’għaxar darbiet minn mindu kien hemm il-liberalizzazzjoni u r-rotot immultiplikaw b’seba’ darbiet, iżda l-infrastruttura u l-ispejjeż tas-servizz irduppjaw. Fir-rigward tad-diversi forom ta’ impjieg tal-ekwipaġġ tal-ajru, għad hemm għadd kbir ta’ problemi u inċertezzi assoċjati jew ma’ prattiki li jikkostitwixxu ksur jew ċirkomvenzjoni tal-liġi applikabbli. F’termini ta’ effiċjenza akbar, l-Ajru Uniku Ewropew (SES) għandu jiġi implimentat bis-sħiħ, li jirriżulta f’aktar rotot tal-ajru diretti, inqas ħin ta’ vvjaġġar u tnaqqis ta’ madwar 10 % fl-emissjonijiet tas-CO2. Il-Kunsill ma għandux jibqa’ jimblukkah. Il-KESE jistieden lill-Kunsill jadotta kemm jista’ jkun malajr ir-Regolament Rivedut dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri bl-Ajru peress li hemm bżonn ta’ kjarifika ewlenija sabiex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-għadd ta’ kawżi l-qorti.

3.1.6.

Ir-Regolament dwar is-Servizzi tal-Portijiet, li ġie adottat dan l-aħħar, finalment jipprovdi lill-portijiet u ‘l-partijiet interessati tagħhom b’qafas leġislattiv sod iżda flessibbli flimkien mal-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa għall-Portijiet.

3.2.    Id-dekarbonizzazzjoni u l-emissjonijiet żero

3.2.1.

It-trasport għadu jiddependi miż-żejt għall-94 % tal-ħtiġijiet tal-enerġija tiegħu. It-trasport bit-triq jikkostitwixxi madwar 73 %. It-trasport huwa l-unika industrija tal-UE li żiedet l-emissjonijiet tagħha tas-CO2 mill-1990.

3.2.2.

Fl-2018, il-KE ppreżentat il-viżjoni tagħha sal-2050 għal futur newtrali għall-klima. Il-kisba ta’ tnaqqis konsiderevoli fl-emissjonijiet ser jirrikjedi approċċ sistematiku integrat. Dan jinkludi l-promozzjoni ta’ (i) effiċjenza tal-vetturi ġenerali, vetturi u infrastruttura b’emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet; (ii) bidla sal-2050 għal karburanti alternattivi u mingħajr emissjonijiet netti ta’ karbonju; (iii) żieda fl-effiċjenza tas-sistema tat-trasport – billi jsir l-aqwa użu mit-teknoloġiji diġitali u l-ipprezzar intelliġenti u billi jitħeġġu aktar l-integrazzjoni multimodali u l-bidliet lejn modi tat-trasport aktar sostenibbli b’finanzjament suffiċjenti għat-tranżizzjoni u l-estensjoni tan-netwerk tat-trasport pubbliku kif ukoll fiż-żoni rurali. Madankollu, tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika hija pass diffiċli u ta’ tbatija (4).

3.2.3.

Huwa stmat li sabiex jinkiseb tnaqqis ta’ 100 % tas-CO2 fit-trasport sal-2050 hemm bżonn investiment ta’ madwar EUR 800 biljun fis-sena, fil-biċċa l-kbira ffinanzjati mis-settur privat (5). Biex jiġi appoġġjat dan l-investiment, hemm bżonn qafas regolatorju b’saħħtu għal finanzi sostenibbli.

3.2.4.

Fir-rigward tal-approċċ teknoloġikament newtrali, il-KESE jixtieq jenfasizza li t-teknoloġiji ta’ propulsjoni għajr l-elettriku, bħall-idroġenu jew il-karburanti likwidi kompletament ħielsa mill-fossili bħall-HVO100, jipprovdu wkoll potenzjal kbir għal mobilità nadifa (6). Bidla modali lejn it-trasport pubbliku hija wkoll mezz attiv tal-protezzjoni tal-klima. Il-manifattura ta’ batteriji elettriċi ser tkun fattur għall-indipendenza enerġetika,

3.2.5.

Il-KESE jaqbel li l-implimentazzjoni tal-mira tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) għat-trasport bil-baħar għandha tiġi rikonoxxuta bħala l-ewwel prijorità għas-settur, bl-2023 tkun it-tragward importanti biex jiġu implimentati l-miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet u biex tiġi definita d-direzzjoni f’termini ta’ karburanti futuri.

3.2.6.

L-investiment f’infrastruttura tal-karburanti nadifa u alternattiva jieħu l-ħin u jiswa l-flus għall-mezzi kollha u għandu jkun akkumpanjat minn inċentivi korrispondenti sabiex isir użu mill-infrastruttura intenzjonata, l-ewwel nett billi tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-utenti permezz ta’ pjattaformi miftuħa.

3.3.    Il-fatalitajiet tat-trasport jiġu eliminati, is-sewqan awtonomu u l-mobilità bħala servizz

3.3.1.

95 % tal-inċidenti kollha tat-traffiku fit-toroq Ewropej huma dovuti għal żball mill-bniedem, fejn aktar minn 25 300 persuna tilfet ħajjitha fl-2017 u 1,2 miljun persuna sfaw midruba, bl-ispiża tal-inċidenti tammonta għal EUR 120 biljun fis-sena.

3.3.2.

It-teknoloġija tat-trasport fuq l-art x’aktarx ser tiġi rivoluzzjonata mid-diġitalizzazzjoni u mill-awtomatizzazzjoni: il-KESE jinnota li din it-teknoloġija ġdida għandha l-kapaċità li ttejjeb l-effiċjenza tas-suq tat-trasport kif ukoll li tipprovdi data analitika biex tassisti l-kontroll u l-infurzar tal-leġislazzjoni eżistenti u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet soċjali.

3.3.3.

Id-diġitalizzazzjoni ser tkun ukoll is-soluzzjoni biex jiġu żviluppati mudelli ġodda tas-suq, inklużi diversi tipi ta’ pjattaformi u l-ekonomija kollaborattiva, li għadha ’l bogħod milli tkun kompletament żviluppata u x’aktarx mhux ser tkopri ż-żoni rurali fejn it-trasport pubbliku mhuwiex disponibbli. Il-KESE jistieden lill-KE tiżgura s-sikurezza tal-mezzi tat-trasport kondiviż, bl-ewwel wieħed ikun l-iscooters elettriċi.

3.3.4.

Bl-introduzzjoni tas-sewqan awtomatiku, għandu jkun possibbli li l-imwiet jitnaqqsu b’mod sinifikanti, jew saħansitra jiġu eliminati kompletament. Madankollu, il-KESE jemmen li l-karozzi mingħajr sewwieq ser jiġu aċċettati biss meta dawn jipprovdu l-istess livell ta’ sikurezza bħal sistemi oħra ta’ trasport għall-passiġġieri, bħall-ferroviji jew l-inġenji tal-ajru kbar. Il-KESE jinnota li hemm ċerti oqsma problematiċi li jistgħu jagħmluha diffiċli li jiġu aċċettati mill-pubbliku: 1) spejjeż addizzjonali, 2) il-kumplessità dejjem tikber tas-sewqan ta’ karozza (7), 3) il-perjodu twil ta’ żmien fejn it-traffiku jkun imħallat (awtomatiku u manwali), meta n-numru ta’ inċidenti jista’ jiżdied u l-kapaċità fit-toroq tista’ tonqos, 4) tħassib dwar is-sikurezza u ċ-ċibersigurtà, u 5) inċertezzi legali dwar ir-responsabbiltà fil-każ ta’ inċidenti.

3.3.5.

Skont il-KESE “l-ebda fatalità” tista’ tiġi inkluża fl-analiżi: għandha tingħata prijorità lill-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar il-kodiċi tat-triq u tas-sanzjonijiet relatati; l-aċċessibbiltà finanzjarja għall-vetturi “sikuri” ġodda għall-konsumaturi u n-negozji; il-bniedem biss, bħala tali, jista’ jagħmel għażliet “etiċi” u li l-magni jridu jakkumpanjaw lill-bniedem u mhux jissostitwixxuh; tnaqqis tal-primjums mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni biex in-nies jiġu inċentivati jixtru vetturi aktar sikuri; kwalunkwe regolament ġdid dwar l-aċċess għad-data għall-vetturi għandu jsegwi l-prinċipju tas-sigurtà l-ewwel.

3.3.6.

Is-soluzzjonijiet ta’ mobilità konnessa u awtomatizzata fil-modi kollha tat-trasport, inkluż it-trasport pubbliku, jirrappreżentaw qasam importanti tal-innovazzjoni fejn l-UE għandha l-potenzjal li ssir mexxejja dinjija. Dan jista’ jiġi żviluppat biss permezz ta’ kooperazzjoni li tinvolvi sforzi u investimenti pubbliċi u privati.

3.3.7.

Il-"mobilità bħala servizz" tiddeskrivi bidla lil hinn mill-mezzi tat-trasport bil-vetturi privati u lejn it-trasport pubbliku u soluzzjonijiet ta’ mobilità li jintużaw bħala servizz (8). Il-kunċett ewlieni tal-“mobilità bħala servizz” huwa li toffri lill-vjaġġaturi soluzzjonijiet ta’ mobilità bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar tagħhom. Il-“mobilità bħala servizz” tqis lis-sistema kollha tat-trasport bħala entità waħda. Il-mobilità fuq talba (on-demand) tista’ tgħin ukoll biex ittejjeb l-aċċess għal mobilità għaċ-ċittadini li jgħixu f’żoni remoti jew li jesperjenzaw diffikultajiet ta’ mobilità (pereżempju l-anzjani u/jew il-persuni b’diżabilità).

3.4.    Investiment

3.4.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li f’ħafna żoni fl-Ewropa, in-netwerk attwali tal-infrastruttura tat-trasport mhuwiex effiċjenti. Sabiex tiġi antiċipata d-domanda dejjem tiżdied għas-servizzi tat-trasport, huma meħtieġa ammonti sinifikanti ta’ investiment pubbliku u privat biex tinbena u tittejjeb l-infrastruttura tat-trasport.

3.4.2.

It-tlestija tan-netwerk TEN-T fil-ħin, b’kopertura ġeografika ottimizzata, għandha tkun prijorità assoluta: in-netwerk ewlieni tat-TEN-T sal-2030 u n-netwerk komprensiv sal-2050 jew qabel. Biex jinkiseb in-netwerk ewlieni biss hemm bżonn investimenti ta’ madwar EUR 500 biljun, mingħajr ma jitqiesu r-reżiljenza u t-titjib tal-infrastruttura eżistenti. Dawn l-investimenti ma jistgħux jiġu ffinanzjati biss mill-għotjiet tal-FNE jew mill-istrumenti tal-UE, u r-riżorsi tal-Istati Membri x’aktarx li mhumiex biżżejjed. Hemm riskju konkret ta’ dewmien sostanzjali.

3.4.3.

L-għotjiet ser ikomplu jaqdu rwol importanti fil-politika tal-investiment tal-UE fis-settur tat-trasport, b’mod partikolari f’dawk il-każijiet fejn l-investimenti tas-suq huma aktar diffiċli biex jitwettqu. Madankollu, it-taħlita tal-għotjiet ma’ sorsi oħra ta’ finanzjament, bħas-self mill-Bank Ewropew tal-Investiment jew mis-settur privat, u l-mobilizzazzjoni ta’ investituri mis-settur pubbliku u privat inkluża l-kooperazzjoni pubblika u privata, huma għodod addizzjonali essenzjali.

3.4.4.

“Il-KESE jitlob li jsir investiment fit-teknoloġija u l-infrastruttura li fuqhom jista’ jinbena t-trasport diġitali, b’mod partikolari l-ġestjoni tat-traffiku u s-sistemi ta’ kontroll: SESAR[…] ERTMS […] u C-ITS. Barra minn hekk, il-konnessjonijiet tal-5G iridu jsiru disponibbli tul in-netwerk ewlieni tat-TEN-T. L-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-InvestEU u l-Orizzont 2020 għandhom jagħtu prijorità lil dawn l-impriżi” (9).

3.4.5.

“Il-KESE […] jikkunsidra li […] sistema ta’ pedaġġ tat-triq, konformi mal-prinċipji ta’ “min juża jħallas” u “min iniġġes iħallas”, ikollha effett pożittiv jekk id-dħul diġà jkun ġie assenjat” (10).

4.   L-enerġija

4.1.    Suq uniku għall-enerġija

4.1.1.

Fl-2016, il-fatturat tas-settur tal-enerġija tal-UE kien ta’ EUR 1 881 biljun u impjega direttament madwar 1 630 000 persuna.

4.1.2.

L-Ewropej kollha għandu jkollhom aċċess għal enerġija sigura, sostenibbli u affordabbli. Dan huwa l-objettiv primarju tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-KESE jesprimi d-dispjaċir tiegħu għad-differenzi sinifikanti fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Istati Membri, li juri nuqqas kbir fis-Suq Uniku tal-Enerġija. Bl-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE u tas-Suq Uniku Diġitali, huwa mistenni li apparti l-komponent tat-taxxa, il-prezzijiet jikkonverġu.

Id-diġitalizzazzjoni bbażata fuq il-bniedem fir-rigward tas-settur tal-enerġija hija kruċjali għall-UE, peress li tista’ tippermetti li l-konsumaturi u l-prosumaturi tal-enerġija jkunu fil-qalba tal-kwistjoni u peress li tikkontribwixxi għal disinn ġdid għas-swieq tal-enerġija.

4.2.    Id-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda

4.2.1.

Fil-kuntest tal-Pjan SET, id-diġitalizzazzjoni tipprovdi opportunitajiet ġodda għall-fornituri billi tottimizza l-assi prezzjużi tagħhom, tintegra enerġiji rinnovabbli minn riżorsi varji u distribwiti, u tnaqqas l-ispejjeż operazzjonali; filwaqt li fl-istess ħin, għandha tiffavorixxi lil kulħadd billi tnaqqas il-kontijiet tal-enerġija għall-pubbliku u għan-negozji, permezz ta’ effiċjenza enerġetika u parteċipazzjoni f’mekkaniżmi ta’ domanda flessibbli. Il-KESE jistieden lill-KE taċċessa r-riżultati miksuba u fejn meħtieġ tieħu azzjoni ulterjuri.

4.3.    Il-grilja tal-enerġija intelliġenti u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

4.3.1.

L-ispejjeż ta’ ċerti sorsi rinnovabbli huma stmati li diġà jinsabu qrib il-prezzijiet tas-suq attwali.

4.3.2.

Is-soluzzjonijiet tal-enerġija distribwita u l-kontrolli intelliġenti qed jorħsu. Il-grilji intelliġenti huma komponent prinċipali ta’ din is-sistema emerġenti; bid-diġitalizzazzjoni ser jgħinu jikkollegaw ambjenti ġodda tal-enerġija. Is-sistemi intelliġenti tal-enerġija tal-futur mhux se jiżviluppaw b’mod iżolat, iżda se jikkollegaw – b’mod diġitali u fiżiku – tipi differenti ta’ netwerks tal-enerġija u tat-trasport, b’aktar opportunitajiet. L-elettriku x’aktarx ikun l-ewwel settur tal-enerġija li jintlaqat, bid-diġitalizzazzjoni li tippermetti konnessjonijiet aktar b’saħħithom mas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, b’mod partikolari fil-bini u s-settur tal-mobilità, waqt li tiġi promossa parteċipazzjoni msaħħa tal-partijiet interessati fil-ktajjen tal-valur lokali, reġjonali u Ewropej li jinvolvu lill-komunitajiet lokali u lill-prosumaturi fil-komunitajiet tal-enerġija u t-tranżazzjonijiet tal-enerġija u jsaħħu l-innovazzjoni u n-negozji Ewropej.

4.3.3.

L-Orizzont 2020 iffinanzja sensiela ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni dwar id-distribuzzjoni tal-grilja, il-grilji tat-trażmissjoni, il-ħżin distribwit, il-ħżin fuq skala kbira, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u s-sorsi tat-tisħin u t-tkessiħ, li jkopru teknoloġiji għall-konsumatur, teknoloġiji tal-grilja, servizzi anċillari għas-suq, ħżin tal-enerġija u tal-ilma, batteriji, turbini tar-riħ, enerġija fotovoltajka, enerġija solari, enerġija termali, bijogass u mikroġenerazzjoni. Il-KESE jilqa’ l-ħolqien tal-Fond għall-Innovazzjoni li ser jipprovdi appoġġ dejjem akbar għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni.

4.3.4.

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE tieħu aktar passi biex jinqered il-faqar enerġetiku. Għandhom jittieħdu miżuri konkreti biex tiġi ffaċilitata r-rinnovazzjoni profonda tal-bini, u fejn ikunu utli għandhom jiġu installati l-pannelli solari għal dawk li jinsabu f’kundizzjonijiet ta’ faqar enerġetiku jew huma f’riskju li jispiċċaw fih. L-UE għandha żżomm f’moħħha li l-fqar ma jistgħux jaffordjaw tali miżuri.

4.3.5.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma tal-Pjattaforma għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni. It-tranżizzjoni tal-enerġija tabilħaqq tħalli impatt fuq xi reġjuni aktar minn oħrajn, speċjalment fejn ikunu kkonċentrati l-estrazzjoni tal-karburanti fossili, il-produzzjoni tal-enerġija u l-produzzjoni intensiva fl-enerġija. Għalhekk, il-bidla strutturali fir-reġjuni u s-setturi intensivi fil-faħam u l-karbonju se jkollha tiġi mmonitorjata b’attenzjoni u ġestita b’mod effettiv, biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta u soċjalment aċċettabbli li tinkludi lil kull ħaddiem u reġjun.

4.3.6.

L-industriji intensivi fl-enerġija jinkludu aktar minn 6 miljun impjieg dirett fl-Ewropa u huma l-bażi għall-ktajjen ta’ valur multipli, inklużi s-sistemi ta’ enerġija nadifa. L-emissjonijiet mill-industriji intensivi fl-enerġija jammontaw għal 60 sa 80 % tal-emissjonijiet industrijali. L-isfidi marbutin mad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi intensivi fl-enerġija huma enormi u ser jirrikjedu innovazzjonijiet kemm teknoloġiċi kif ukoll mhux teknoloġiċi (eż. mudelli ta’ negozju ġodda).

4.4.    L-investiment fl-enerġija

4.4.1.

It-tisħiħ tas-suq Ewropew tal-enerġija, l-iffaċilitar tat-tranżizzjoni tal-enerġija u l-iżgurar tat-tħaddim sigur tas-sistema kollha jiddependu fuq grilji tat-trażmissjoni adegwati, żviluppati sew u kosteffikaċi fl-Ewropa.

4.4.2.

L-innovazzjoni, bħall-injezzjonijiet fi grilji tal-gass miksub mill-elettriku, jew l-idroġenu, tista’ twassal għal riżultati sostanzjali u ssir ekonomikament vijabbli jekk tkun appoġġjata b’mod effiċjenti.

4.4.3.

L-investiment annwali medju fis-settur tal-enerġija fix-xenarji ta’ tnaqqis ta’ 100 % tas-CO2 (11) ikun jammonta għal EUR 547 biljun fis-sena (2,8 % tal-PDG) fil-perjodu 2031-2050, meta mqabbel ma’ EUR 377 biljun (1,9 % tal-PDG) għal-linja bażi. Dawn iċ-ċifri jirrappreżentaw ammont sinifikanti, anki għal ekonomija żviluppata.

5.   Servizzi ta’ Interess Ġenerali

5.1.

Il-linja strateġika ewlenija għandha timplimenta approċċ iffukat fuq il-persuni biex twassal servizzi ta’ interess ġenerali bħala xpruni tat-tkabbir Ewropew sostenibbli. L-aħħar prinċipju li huwa l-għoxrin wieħed tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jindirizza l-aċċess għas-servizzi essenzjali, u jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt li jkollu aċċess għal servizzi essenzjali ta’ kwalità tajba, inklużi l-ilma, is-sanitazzjoni, l-enerġija, it-trasport, is-servizzi finanzjarji u l-komunikazzjonijiet diġitali. Biex dan jidħol fis-seħħ, huma meħtieġa miżuri speċifiċi ta’ żvilupp sostenibbli u ta’ koeżjoni.

5.2.

Iċ-ċittadini u n-negozji qed jitolbu governanza aktar miftuħa, trasparenti, responsabbli u effettiva. Meta jintlaħqu l-ekonomiji ta’ skala u l-aġilità billi jiġu adottati arkitetturi tal-cloud computing dawn jgħinu biex nimxu lejn il-gvern elettroniku, is-saħħa elettronika, l-akkwist elettroniku u l-fatturazzjoni elettronika, biex b’hekk is-servizzi pubbliċi jkunu jistgħu jaqsmu l-informazzjoni u jagħmluha aktar faċli għaċ-ċittadini u n-negozji biex jinteraġixxu.

5.3.

Hemm riskju li l-anzjani jew il-konsumaturi illitterati fil-qasam diġitali jiġu esklużi bħala riżultat tad-diġitalizzazzjoni kompluta tas-servizzi ta’ interess ġenerali. Għaldaqstant, għandhom jinżammu xi punti ta’ aċċess konvenzjonali għal dawn is-servizzi.

5.4.

Il-KESE jirrakkomanda li s-Semestru Ewropew jinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-allokazzjoni tas-servizzi ta’ interess ġenerali fl-Istati Membri kif ukoll l-aċċess u l-funzjonament tajjeb tas-servizzi.

5.5.

Ħafna ċittadini fl-Unjoni Ewropea jiffaċċjaw, f’livelli differenti, diffikultajiet ekonomiċi serji biex jaċċessaw servizzi essenzjali, fost l-oħrajn fl-oqsma tal-akkomodazzjoni, l-enerġija, il-komunikazzjonijiet elettroniċi, it-trasport, l-ilma, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali.

5.6.

Nuqqas ta’ aċċess għas-servizzi ta’ interess ġenerali jista’ jiddependi fuq firxa ta’ fatturi: dan jista’ jkun ekonomiku, ġeografiku, soċjali (trattament inugwali), fiżiku (minħabba diżabilità) jew il-fatt li ma jkunx xieraq għall-ħtiġijiet u/jew il-progress tekniku (spariġġ/livell inadegwat ta’ kwalità u/jew ta’ sikurezza). It-teknoloġiji diġitali jistgħu jgħinu biex jingħelbu wħud minn dawn l-isfidi.

5.7.

Fil-każ ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa, id-diġitalizzazzjoni għandha l-potenzjal li twassal prevenzjoni, dijanjożi u trattament aħjar tal-mard. Għodod bħar-rekord elettroniku tas-saħħa jistgħu jippermettu lill-konsumaturi jkollhom aċċess kontinwu għall-istorja medika u l-preskrizzjonijiet farmaċewtiċi tagħhom. L-apps tas-saħħa mobbli u l-konsultazzjonijiet mediċi onlajn jistgħu jipprovdu appoġġ eċċellenti lill-pazjenti u lill-konsumaturi fl-isforzi tagħhom biex jibqgħu b’saħħithom u jevitaw il-mard, speċjalment għal dawk li jgħixu f’żoni remoti. Madankollu, il-benefiċċji tal-prodotti u s-servizzi diġitali tas-saħħa jinvolvu riskji serji fir-rigward tal-privatezza, is-sigurtà u s-sikurezza tal-pazjenti, peress li l-vjolazzjoni tar-rekords u d-data tas-saħħa personali maħżuna f’ambjenti tal-kura tas-saħħa jistgħu jsiru aktar frekwenti. L-UE għandha tiżviluppa qafas regolatorju komprensiv biex tiżgura approċċ armonizzat.

5.8.

Minħabba ż-żieda fl-użu tas-servizzi u tal-prodotti tas-saħħa diġitali, mhux l-inqas f’ambjent transkonfinali, huwa importanti wkoll li jiġi armonizzat l-approċċ għar-responsabbiltà fir-rigward ta’ tali servizzi u prodotti madwar l-UE. Għandhom jiġu stabbiliti miżuri leġislattivi bħal sorveljanza tas-suq u infurzar tal-liġi b’saħħithom, kif ukoll għodod ta’ rimedju effiċjenti għall-prodotti u s-servizzi tas-saħħa diġitali, sabiex jikkontribwixxu għall-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi tal-UE.

5.9.

Il-KESE jħeġġeġ lill-KE tiżviluppa qafas xieraq li s-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali jkunu jistgħu jikkondividu għall-finijiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni żviluppati mill-istituzzjonijiet u l-kumpaniji tal-UE fir-rigward tad-data dwar is-saħħa taċ-ċittadini tal-UE skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, jiġifieri taħt kundizzjonijiet stretti ta’ privatezza u anonimità.

5.10.

Fil-każ tas-servizzi ta’ interess ġenerali, l-operaturi għandhom jipprovdu servizzi b’mod diġitali filwaqt li jżommu mezzi oħra aċċessibbli għal dawk li mhumiex konnessi kemm jekk din tkun l-għażla tagħhom kif ukoll għax ma jkunux jistgħu.

5.11.

Is-servizzi ta’ interess ġenerali fit-trasport pubbliku huma kruċjali biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja u jintlaħqu l-għanijiet bażiċi tal-UE. Hemm bżonn ta’ diskrezzjoni wiesgħa għall-awtoritajiet pubbliċi biex jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw is-servizzi ta’ interess ġenerali.

6.   5G

6.1.    It-tnedija tal-5G fis-Suq Uniku

6.1.1.

L-awtoritajiet pubbliċi bdew jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw l-introduzzjoni tal-5G fis-Suq Uniku inklużi l-assenjazzjonijiet tal-ispettru tal-5G. Fix-xhur li ġejjin, l-operaturi Ewropej tal-mowbajl għandhom jippreparaw biex jintroduċu u jwettqu testijiet f’kundizzjonijiet “reali”, peress li l-ewwel smartphones u terminals bil-5G huma mistennija li jkunu disponibbli fl-ewwel nofs tal-2019. Madankollu, tnax-il Stat Membru biss lestew jew nedew mill-inqas irkant wieħed tal-ispettru, sal-bidu ta’ Diċembru 2018.

6.1.2.

Fil-livell internazzjonali, il-pajjiżi kollha qed jikkompetu biex ikunu minn tal-ewwel li jniedu l-5G mal-pajjiż kollu. L-UE qiegħda tikkompeti wkoll. Il-ħames bejjiegħa ewlenin ta’ infrastruttura jinkludu żewġ fornituri Ewropej, tnejn Ċiniżi, u wieħed Korean. L-ebda waħda mill-kumpaniji Ewropej ewlenin mhi minn ta’ quddiem biex tipproduċi apparat u chipsets tal-5G.

6.1.3.

Il-KESE jwissi li l-kompetittività tal-industriji Ewropej bħalma huma l-industriji tat-trasport u l-karozzi, l-enerġija, il-kimiki u l-farmaċewtiċi, il-manifattura, inklużi l-SMEs, u dawk tal-finanzi, fejn l-Ewropa hija quddiem nett, ser tiddependi fuq il-kapaċità li jiġu integrati u użati s-servizzi tal-5G.

6.1.4.

Il-KESE huwa konxju li x-xjenzati jwissu kontra l-perikli potenzjali tar-radjazzjoni elettromanjetika għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minħabba l-5G, speċjalment minħabba l-emissjonijiet tal-frekwenza tar-radju qawwija ħafna u li għandhom penetrazzjoni b’saħħitha fil-binjiet u f’postijiet oħrajn fil-magħluq. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tara li jitwettaq studju tal-impatt bijoloġiku tar-radjazzjoni tal-5G u tar-riskju ta’ interferenza ma’ firxiet oħrajn tal-frekwenza.

6.2.    Il-ħtiġijiet tal-investiment għall-5G

6.2.1.

L-investimenti minn atturi fis-suq fl-Ewropa għall-5G huma stmati bejn EUR 60-100 biljun fis-sena għall-ħames snin li ġejjin. Dawn ser jipprovdu konnettività tal-gigabits lill-ixpruni soċjoekonomiċi Ewropej ewlenin kollha. Sabiex tittejjeb il-konnettività fiż-żoni rurali ser ikun hemm bżonn investiment ulterjuri ta’ EUR 127 biljun.

6.2.2.

Il-5G ser tgħolli t-teknoloġija mobbli u tal-Internet għall-istatus ta’ Teknoloġija għal Użu Ġenerali li ser taffettwa l-produttività u l-attività ekonomika f’firxa wiesgħa ta’ industriji li jimmaniġġjaw għadd akbar ta’ apparati u volum akbar ta’ data, filwaqt li tippermetti l-użu massiv tal-Internet tal-oġġetti u tiżviluppa Servizzi ta’ Missjonijiet Kritiċi.

7.   Kummenti speċifiċi

7.1.

Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex iqisu b’mod profond l-isfidi li ġejjin, li l-Kumitat diġà ħadem u se jkompli jaħdem fuqhom fil-futur, bħala kwistjonijiet importanti li għandhom jiġu indirizzati fil-kuntest ta’ din l-Opinjoni:

Jiġu internalizzati l-kostijiet esterni kollha permezz ta’ inċentivi pożittivi u negattivi (12);

Id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija skont is-CO2, l-NOx u l-SOx (13);

Sistema ta’ soluzzjonijiet għall-enerġija distribwita (14);

L-istabbiltà tas-suq tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS) għall-perjodu ta’ negozjar li jmiss tal-ETS (fl-2021) u l-miżuri tal-ETS wara l-2020 (15);

Pjattaforma ta’ skambju ta’ informazzjoni diġitali dwar il-grilji għall-ġestjoni tal-flussi tal-elettriku (16);

Il-ġestjoni tal-Big Data fis-settur tal-enerġija (17);

l-isfidi soċjali u ekonomiċi involuti fit-tneħħija gradwali tal-faħam (18);

Ir-reatturi nukleari modulari żgħar (50-300 MW) li huma irħas u aktar faċli biex jiġu installati. l-istandards tal-UE meħtieġa (19);

Il-grilji b’vultaġġ għoli fuq distanza twila li jikkollegaw il-kontinenti: perspettiva Ewropea-Ażjatika (20);

Is-sikurezza tal-provvista u l-protezzjoni tal-investiment (21);

L-effiċjenza fl-enerġija (22);

Iċ-ċertifikazzjoni minn qabel tal-prodotti (23);

Ir-regoli tal-cloud (24);

Il-pjattaformi tal-manifattura tal-UE (25);

It-telekomunikazzjonijiet u n-netwerk tad-data (26);

Il-fluss tad-data jrid ikun protett u affidabbli (27);

Sjieda tad-data u drittijiet tad-data (28);

Ħżin tad-data fl-UE (29).

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 227, 28.6.2018, p. 86.

(2)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 9.

(3)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 195

(4)  ESPAS, Challenges and choices for Europe (Sfidi u għażliet għall-Ewropa), April 2019.

(5)  COM(2018) 773 final.

(6)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 52, ĠU C 262, 25.7.2018, p. 75.

(7)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 191.

(8)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 52.

(9)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 52.

(10)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 195.

(11)  COM(2018) 773 final.

(12)  ĠU C 190, 5.6.2019, p. 24, ĠU C 110, 22.3.2019, p. 33.

(13)  ĠU C 228, 5.7.2019, p. 37.

(14)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 44.

(15)  ĠU C 424, 26.11.2014, p. 46; ĠU C 288, 31.8.2017, p. 75

(16)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 44; ĠU C 345, 13.10.2017, p. 52; ĠU C 262, 25.7.2018, p. 86

(17)  Final study on The ethics of Big Data: Balancing economic benefits and ethical questions of Big Data in EU policy context (L-etika tal-Big Data: nibbilanċjaw il-benefiċċji ekonomiċi u l-kwistjonijiet etiċi dwar il-Big Data fil-kuntest ta’ politika tal-UE); ĠU C 242, 23.7.2015, p. 61.

(18)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 1.

(19)  ĠU C 237, 6.7.2018, p. 38; ĠU C 341, 21.11.2013, p. 92; ĠU C 110, 22.3.2019, p. 141.

(20)  ĠU C 228, 5.7.2019, p. 95, ĠU C 143, 22.5.2012, p. 125.

(21)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 125; ĠU C 271, 19.9.2013, p. 153; ĠU C 424, 26.11.2014, p. 64; ĠU C 264, 20.7.2016, p. 117.

(22)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 142.

(23)  ĠU C 228, 5.7.2019, p. 74; ĠU C 75, 10.3.2017, p. 40; ĠU C 81, 2.3.2018, p. 176.

(24)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 86.

(25)  Information Report of Consultative Commission of European Economic and Social Committee on Industrial Change on Fostering incremental innovation in high manufacturing areas (Mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 332, 8.10.2015, p. 36; ĠU C 299, 4.10.2012, p. 12.

(26)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 74.

(27)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 8, ĠU C 227, 28.6.2018, p. 86.

(28)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 107; ĠU C 81, 2.3.2018, p. 209; ĠU C 237, 6.7.2018, p. 32.

(29)   ĠU C 345, 13.10.2017, p. 52 , ĠU C 227, 28.6.2018, p. 11 .


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/90


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill — Lejn teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE”

(COM(2019) 8 final)

(2019/C 353/14)

Relatur: Juan MENDOZA CASTRO

Relatur: Krister ANDERSSON

Relatur: Mihai IVAȘCU

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea, 18.2.2019

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

2.7.2019

Adottata fil-plenarja

17.7.2019

Sessjoni plenarja Nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

171/17/18

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal dibattitu meħtieġ, minħabba s-sensittivitajiet tal-Votazzjoni b’Maġġoranza Kwalifikata (VMK) fil-kwistjonijiet tat-taxxa.

1.2.

Fil-passat, il-Kumitat, f’opinjonijiet oħra kien diġà indika l-appoġġ tiegħu għat-tibdil tar-regola tal-unanimità u li huwa miftuħ għal approċċ ta’ maġġoranza kwalifikata.

1.3.

Fl-istess ħin, il-KESE jqis li hemm ċerti kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati sabiex il-VMK tiġi implimentata b’suċċess.

1.4.

Ir-regola tal-unanimità fil-qasam tat-tassazzjoni tista’ tidher dejjem aktar bħala politikament anakronistika, legalment problematika u ekonomikament kontroproduttiva.

1.5.

Il-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa ta’ sikwit toħloq pressjoni dejjem tikber fuq il-baġits pubbliċi; barra minn hekk, baġits pubbliċi stretti jagħmlu pressjoni fuq il-kompetittività.

1.6.

Fil-ġejjieni, bl-adozzjoni tal-VMK, il-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol importanti fil-kwistjonijiet tat-taxxa.

1.7.

L-unanimità fit-tassazzjoni kellha impatt fuq prijoritajiet ta’ politika oħra usa’ tal-UE.

1.8.

Bidla gradwali għal VMK tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali b’mod aktar effettiv fi żmien meta l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima hija aktar urġenti minn qatt qabel.

1.9.

Il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) proposta, li ilha tiġi diskussa għal dawn l-aħħar 20 sena, fiha, jekk imfassla u introdotta b’mod xieraq, benefiċċji sinifikanti għan-negozji u ċ-ċittadini. Riforma tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-UE, b’koordinazzjoni adegwata fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, hija meħtieġa ħafna minħabba li attwalment qed jintilef ħafna dħul minħabba s-sistema frammentata.

1.10.

Il-KESE jikkunsidra wkoll li l-politika tat-tassazzjoni b’mod ġenerali u l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa b’mod partikolari għandhom jibqgħu qasam prijoritarju ta’ politika għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss. Il-Kumitat iqis li l-aħjar riżultati kontra l-frodi tat-taxxa transkonfinali jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell Ewropew u jfaħħar il-pubblikazzjoni għall-ewwel darba tal-lista tal-UE tal-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa.

1.11.

Min-naħa l-oħra, il-KESE huwa konxju li l-politika tat-tassazzjoni dejjem kienet marbuta mill-qrib mas-sovranità tal-Istati Membri, peress li hija ta’ importanza kbira għalihom.

1.12.

Bħala prinċipju, l-UE għandha tkun b’saħħitha fi kwistjonijiet ta’ importanza globali. Il-KESE jifhem li fil-passat il-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa għal xi Stati Membri tal-UE kienet fattur li jsolvi problemi finanzjarji. L-adozzjoni reċenti ta’ miżuri kontra l-evitar tat-taxxa wriet li l-Istati Membri huma lesti li jtejbu l-kompetizzjoni trasparenti u ġusta fil-qasam tat-taxxa.

1.13.

F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza – u jilqa’ – il-progress li sar fil-livell tal-UE fil-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, u fit-titjib tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Fl-istess ħin il-KESE jixtieq jara progress f’oqsma oħra.

1.14.

Wara analiżi ekonomika, soċjali u fiskali fil-fond, kwalunkwe regola ġdida għandha tkun adattata għall-iskop tagħha u l-Istati Membri kollha għandhom f’kull ħin ikollhom biżżejjed possibilitajiet biex jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-ħolqien ta’ riżultat vantaġġuż kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istat Membru individwali għandu jkun l-għan aħħari.

1.15.

Meta tittieħed deċiżjoni dwarhom, l-erba’ passi proposti għandhom jiġu implimentati gradwalment u l-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq evalwazzjoni wara kull implimentazzjoni.

1.16.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal proċess usa’ sabiex possibbilment isir progress lejn VMK aktar effettiva li tieħu ż-żmien u tkun sinkronizzata ma’ inizjattivi ta’ politika oħrajn. F’dan ir-rigward, il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa għal:

Baġit tal-UE b’saħħtu biżżejjed.

Politika ekonomika kkoordinata aħjar.

Xogħol analitiku sostanzjali li jivvaluta sa fejn il-miżuri attwali tat-taxxa ma kinux biżżejjed.

2.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri u direttivi fil-livell tal-UE bil-għan li jistabbilixxu regoli komuni tat-taxxa nazzjonali għal taxxi indiretti bħall-VAT jew taxxi diretti bħat-taxxa korporattiva. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-proċess leġislattiv attwali tal-UE għal dawn il-kwistjonijiet għandu l-aspetti negattivi tiegħu, peress li jeħtieġ qbil unanimu fost l-Istati Membri kollha qabel ma tkun tista’ tittieħed azzjoni. Din l-unanimità tista’ ma tinkisibx jew tista’ twassal għal politiki subottimali.

2.2.

Proposti leġislattivi fil-qasam tat-taxxa huma rregolati mill-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Iż-żewġ artikoli jipprovdu għal proċedura leġislattiva speċjali li permezz tagħha l-Kunsill jivvota b’mod unanimu dwar kwistjonijiet tat-tassazzjoni u l-Parlament Ewropew huwa sempliċement ikkonsultat.

2.3.

It-Trattati jinkludu wkoll id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jinbidel il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet minn unanimità għal Votazzjoni b’Maġġoranza Kwalifikata (VMK) fil-Kunsill taħt ċerti ċirkostanzi.

2.4.

L-Artikolu 48(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-hekk imsejħa “klawsola passarelle”, jippermetti lill-Istati Membri biex jimxu minn unanimità għal VMK jew mill-proċedura leġislattiva speċjali għall-proċedura leġislattiva ordinarja f’oqsma li huma soġġetti b’xi mod ieħor għall-unanimità.

2.5.

Bil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha l-għan li tiftaħ dibattitu dwar kif tirriforma t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-politika tat-tassazzjoni tal-UE. Tagħmel il-każ għal tranżizzjoni gradwali f’erba’ passi għal VMK taħt il-proċedura leġislattiva ordinarja f’ċerti oqsma tal-politika komuni ta’ tassazzjoni tal-UE.

2.5.1.

Fl-Ewwel Pass, l-Istati Membri għandhom jaqblu li jimxu lejn VMK fil-każ ta’ miżuri li jtejbu l-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, kif ukoll għal inizjattivi amministrattivi għan-negozji tal-UE, eż. obbligi ta’ rappurtar armonizzati.

2.5.2.

It-Tieni Pass jintroduċi l-VMK bħala għodda utli biex isir progress fil-miżuri li fiha t-tassazzjoni tappoġġja għanijiet oħra ta’ politika, eż. il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-ambjent jew it-titjib fis-saħħa pubblika.

2.5.3.

L-użu tal-VMK skont it-Tielet Pass jgħin biex jimmodernizza regoli tal-UE diġà armonizzati bħal dawk għall-VAT u d-dazju tas-sisa.

2.5.4.

Ir-Raba’ Pass jippermetti bidla għal VMK fir-rigward ta’ proġetti tat-taxxa kbar, bħall-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) u sistema ġdida għat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali.

2.6.

Il-Komunikazzjoni tissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jaslu għal ftehim malajr biex jiżviluppaw l-Ewwel u t-Tieni Pass u għandhom jikkunsidraw li jiżviluppaw it-Tielet u r-Raba’ Pass sal-aħħar tal-2025.

2.7.

Il-Kummissjoni tiddikjara li hawnhekk tindirizza l-problemi li ġejjin bil-proċess attwali tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-politika tat-tassazzjoni:

2.7.1.

Il-ħtieġa għal ftehim unanimu jagħmilha aktar diffiċli li jintlaħaq kwalunkwe kompromess, għaliex l-oppożizzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss hija biżżejjed biex ma jintlaħaqx ftehim. L-Istati Membri ħafna drabi joqogħdu lura milli jinnegozjaw soluzzjonijiet b’mod serju fil-Kunsill, għaliex jafu li għandhom is-setgħa li jagħmlu veto fuq kull riżultat li ma jogħġobhomx.

2.7.2.

Anke meta jintlaħaq qbil unanimu fil-qasam tat-tassazzjoni, dan fil-biċċa l-kbira jkun fil-livell tad-denominatur komuni l-aktar baxx, u jillimita l-impatt pożittiv għan-negozji u għall-konsumaturi, jew jirrendi l-implimentazzjoni aktar diffiċli.

2.7.3.

Xi Stati Membri jistgħu jużaw proposti tat-taxxa importanti fin-negozjar kontra talbiet oħra li jista’ jkollhom fuq fajls kompletament separati, jew biex jitfgħu pressjoni fuq il-Kummissjoni biex tagħmel proposti leġislattivi f’oqsma oħra.

2.7.4.

Deċiżjonijiet meħuda unanimament jistgħu biss jitreġġgħu lura jew jinbidlu b’mod unanimu. Minħabba f’hekk, l-Istati Membri ħafna drabi jkunu kawti wisq, u dan ikollu effett ħażin fuq l-ambizzjonijiet u jdgħajjef l-eżitu finali.

2.8.

L-għoti ta’ piż ugwali lill-Parlament Ewropew biex jiddeċiedi dwar il-forma finali tal-inizjattivi tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE jippermettilu jikkontribwixxi bis-sħiħ għat-tfassil tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE.

2.9.

L-ebda kompetenza ġdida ma tingħata lill-UE, u lanqas ma jitnaqqsu l-kompetenzi tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni targumenta wkoll li dan ma jaffettwax id-drittijiet tal-Istati Membri li jistabbilixxu rati ta’ taxxa personali jew korporattivi kif jidhrilhom xieraq.

2.10.

Skont il-Kummissjoni, l-ispiża tan-nuqqas ta’ azzjoni fil-politika tat-taxxa fil-livell tal-UE hija għolja. L-ispiża tal-progress bil-mod fuq ir-reġim definittiv tal-VAT, il-BKKTK, it-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji u t-Taxxa fuq is-Servizzi Diġitali hija stmata għal madwar EUR 292 biljun f’dawn l-erba’ oqsma (1).

3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

3.1.

Il-KESE jappoġġja l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal dibattitu meħtieġ, minħabba s-sensittivitajiet tal-VMK fil-kwistjonijiet tat-taxxa. Fis-seklu 21, politika tat-tassazzjoni ta’ suċċess għandha tippermetti lill-UE tindirizza l-isfidi ekonomiċi u finanzjarji li jistgħu, u li se jinqalgħu, fil-futur. Ir-regola tal-unanimità fit-tassazzjoni għamlet sens fis-snin ħamsin, b’sitt Stati Membri; issa, madankollu, tista’ tidher dejjem aktar bħala politikament anakronistika, legalment problematika u ekonomikament kontroproduttiva.

3.2.

F’Opinjonijiet preċedenti oħra, il-Kumitat kien diġà wera li huwa favur bidla fir-regola tal-unanimità u li jkun miftuħ għal approċċ ta’ maġġoranza kwalifikata (2). Il-KESE qed joħroġ din l-Opinjoni filwaqt li jqis dan l-isfond u jikkunsidra r-rwol tiegħu bħala korp li jixtieq javvanza l-proġett Ewropew.

3.3.

Fl-istess ħin, il-KESE jqis li, fiċ-ċirkustanzi attwali, hemm ċerti kundizzjonijiet relatati ma’ kuntest usa’ li jridu jiġu ssodisfati sabiex il-VMK tiġi implimentata b’suċċess.

3.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li, meta jiġi deċiż, l-implimentazzjoni tal-erba’ passi proposti għandha tkun gradwali u l-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq evalwazzjoni bir-reqqa u komprensiva wara kull implimentazzjoni.

3.5.

L-unanimità fit-tassazzjoni kellha impatt fuq prijoritajiet ta’ politika oħra usa’ tal-UE. It-tassazzjoni hija essenzjali wkoll għal ħafna mill-proġetti tal-UE l-aktar ambizzjużi, fosthom l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU), is-Suq Uniku Diġitali, il-Qafas tal-2030 dwar il-klima u l-enerġija u l-Ekonomija Ċirkolari. Il-proposta tal-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija hija eżempju ieħor.

3.6.

Bidla gradwali għal VMK tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali b’mod aktar effettiv fi żmien meta l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima hija aktar urġenti minn qatt qabel. Data mill-Eurostat tissuġġerixxi li, bħala medja, il-pajjiżi tal-UE jakkwistaw biss madwar 6 % tad-dħul totali mit-taxxi tagħhom mit-taxxi ambjentali. Il-maġġoranza l-kbira ta’ dan huwa minn taxxi relatati mal-enerġija u t-trasport, bi dħul minimu minn taxxi fuq it-tniġġis jew l-użu tar-riżorsi (inqas minn 0,1 %) (3).

3.7.

Wara diskussjoni għal dawn l-aħħar 20 sena, il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) proposta, jekk imfassla u introdotta b’mod xieraq, tinkludi benefiċċji sinifikanti għan-negozji u ċ-ċittadini. Se jkun hemm tnaqqis fl-ispejjeż ta’ konformità u kumplessità għal negozji akbar (u dawk li ddeċidew li jkunu inklużi) li jagħmlu kummerċ fl-UE. Il-BKKTK jista’ jkollha rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u tgħin biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fis-sistema tat-taxxa min-naħa taċ-ċittadini (4).

3.8.

Il-KESE jappoġġja riforma tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-UE (VAT). Fin-nuqqas ta’ ftehim dwar din il-kwistjoni, kull sena ma jinġabrux EUR 147 biljun f’VAT minħabba l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u nuqqas ta’ effikaċja fil-ġbir ta’ dħul mill-Istati Membri. Is-sistema attwali hija frammentata u kumplessa ħafna u sussegwentement tnaqqas u tfixkel il-kummerċ u l-investimenti billi toħloq piżijiet amministrattivi u ostakli tal-kummerċ żejda u estensivi għan-negozji (5). Il-frodi tal-VAT bħalissa tiswa lill-baġits pubbliċi madwar EUR 50 biljun fis-sena.

3.9.

Il-politiki tat-tassazzjoni diverġenti li nqalgħu fis-Suq Uniku għandhom effetti negattivi. Il-frammentazzjoni ddgħajjef l-unità tas-Suq Uniku u tiġġenera spejjeż ogħla għall-bażijiet tat-taxxa bħalma huma x-xogħol, l-introjtu u l-konsum. Essenzjalment, il-ħaddiema u l-konsumaturi fl-Ewropa kollha qegħdin iħallsu għan-nuqqas ta’ kunsens fost l-Istati Membri. Barra minn hekk, sistemi tat-taxxa diverġenti huma ostaklu għall-SMEs li jippruvaw jagħmlu kummerċ fis-Suq Uniku.

3.10.

Il-KESE huwa konxju li l-politika tat-taxxa dejjem kienet marbuta mill-qrib mas-sovranità tal-Istati Membri, peress li hija ta’ importanza kbira għal ċerti minnhom.

3.11.

Il-Proġett tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS) (6) identifika li l-iskala tal-BEPS, qabel ma ġiet introdotta kwalunkwe miżura li tiġġieled il-frodi, globalment tammonta għal USD 100-240 biljun (7). Is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew ikkalkula li ċ-ċifri rilevanti għall-UE se jkunu bejn EUR 50-70 biljun (8). Dan huwa ekwivalenti għal 0,35 % tal-PDG tal-UE.

3.12.

Bħalissa r-rwol politiku tal-Parlament Ewropew fi kwistjonijiet ta’ taxxa huwa sempliċement konsultattiv fir-rigward tar-reazzjonijiet ta’ politika tat-tassazzjoni. Jekk tiġi adottata bidla minn unanimità għal VMK fir-rigward tat-tassazzjoni, il-Parlament Ewropew jista’ jkollu rwol importanti fil-kwistjonijiet tat-taxxa.

3.13.

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tiftaħ dibattitu dwar kif l-aħjar li tirriforma l-mod kif l-UE teżerċita l-kompetenzi allokati minn qabel tagħha fil-qasam tat-tassazzjoni. It-tranżizzjoni progressiva għall-applikazzjoni sħiħa tal-VMK hija proposta li sseħħ f’oqsma ta’ politika speċifiċi ta’ interess speċjali għall-Istati Membri kollha. Bil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma tipprovax toħloq kompetenzi ġodda għall-UE. Lanqas ma għandha l-għan li tagħmel tranżizzjoni lejn sistema armonizzata ta’ rati tat-taxxa personali u korporattivi madwar l-UE.

3.14.

Il-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa ta’ spiss twassal għal żieda fil-pressjoni fuq il-baġits pubbliċi. F’dan il-każ, dan mhux biss japprofondixxi l-iżbilanċi distributtivi mifruxa iżda wkoll idgħajjef il-lat tad-domanda, u b’hekk isir ta’ ħsara għall-iżvilupp ekonomiku. Fil-kuntest tal-kriżijiet tal-euro, minħabba restrizzjonijiet baġitarji, ġew stabbiliti politiki stretti ta’ awsterità.

3.15.

Il-kompetittività u l-istabbiltà baġitarja. Barra minn hekk, baġits pubbliċi stretti ta’ sikwit jagħmlu pressjoni fuq il-kompetittività minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet biex jiffinanzjaw investimenti futuri, pereżempju, fl-infrastruttura, fid-diġitalizzazzjoni u fir-riċerka u l-iżvilupp. Fl-aħħar nett, hemm ukoll interdipendenzi bejn l-istabbiltà baġitarja u l-istabbiltà tas-suq finanzjarju.

3.16.

Miżuri kontra l-evitar tat-taxxa. Il-KESE jemmen li r-rwol tal-Unjoni Ewropea huwa essenzjali fi kwistjonijiet ta’ importanza globali. Għalkemm fl-imgħoddi, xi Stati Membri użaw il-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa biex isolvu xi problemi finanzjarji interni, l-adozzjoni reċenti ta’ miżuri kontra l-evitar tat-taxxa wriet li hemm ftuħ u rieda biex jissaħħu l-kompetizzjoni trasparenti u ġusta tat-taxxa.

3.17.

Il-politika fiskali tal-UE. Il-KESE jemmen bis-saħħa li l-proġett Ewropew huwa bbażat fuq il-kundizzjoni li l-Istati Membri kollha għandhom f’kull ħin ikollhom biżżejjed possibilitajiet biex jieħdu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-għan ewlieni huwa li jinħoloq ambjent vantaġġuż, kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri individwali.

3.18.    L-ippjanar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa

3.18.1.

Il-KESE jenfasizza – u jilqa’ l-progress li sar fil-livell tal-UE fil-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, u fit-titjib tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Matul il-mandat attwali tal-Kummissjoni, ġew adottati madwar 14-il proposta fil-qasam tat-taxxa, aktar milli fl-20 sena preċedenti (9). Ir-regoli tat-trasparenza ġew imsaħħa biex jinkludu ħafna aktar skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-affarijiet tat-taxxa transkonfinali taċ-ċittadini u n-negozji l-kbar. Il-ġbir tal-VAT ġie mtejjeb b’regoli ġodda għall-bejgħ onlajn ta’ oġġetti u servizzi, kif ukoll għodod ta’ kooperazzjoni transkonfinali ġodda biex jiġi indirizzat il-frodi tal-VAT (10).

3.18.2.

In-nuqqas ta’ progress f’xi oqsma. Il-KESE għandu jindika li ma sar l-ebda progress kbir fil-livell Ewropew fir-riforma tat-tassazzjoni korporattiva, l-aktar minħabba nuqqas ta’ rieda politika fil-Kunsill. Barra minn hekk, proposti importanti dwar it-tassazzjoni tas-servizzi diġitali u l-evitar tat-taxxa ġew imblukkati minħabba s-sistema ta’ votazzjoni b’unanimità.

3.18.3.

Il-KESE jikkunsidra li l-politika tat-tassazzjoni b’mod ġenerali u l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa għandhom jibqgħu qasam prijoritarju ta’ politika għall-Kummissjoni li jmiss. Filwaqt li jitqiesu l-bosta skandli ta’ rifuġji fiskali (LuxLeaks, Panama Papers, Paradise Papers eċċ.) u b’referenza għall-aħħar stimi ta’ evażjoni tat-taxxa fl-UE li jindikaw ċifra ta’ madwar EUR 825 biljun fis-sena (11), il-KESE jitlob għal skeda ta’ żmien stretta.

3.18.4.

L-aħjar riżultati kontra l-frodi tat-taxxa transkonfinali jistgħu jinkisbu fil-livell Ewropew. Il-KESE jikkritika l-fatt li proposti leġislattivi importanti dwar din il-kwistjoni ġew imblukkati mill-Kunsill. Stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru juri li tliet kwarti taċ-ċittadini tal-UE jemmnu li l-ġlieda kontra l-abbuż tat-taxxa għandha tkun prijorità Ewropea (12).

3.18.5.

Ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx. Il-KESE jilqa’ l-pubblikazzjoni għall-ewwel darba f’Diċembru 2017 tal-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa u r-reviżjoni tagħha minn dakinhar ’l hawn (13). Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-metodu tal-“Lista s-Sewda” u l-“Lista l-Griża” introdott mill-Kummissjoni Ewropea (14). Fid-dawl tal-iskandli tal-“Panama Papers” u tal-“Paradise Papers”, il-KESE diġà ħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħlqu l-lakuni għall-ippjanar aggressiv tat-taxxa (15). Ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx huma ta’ theddida għas-suq intern tal-UE (16).

3.19.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal proċess usa’ sabiex possibbiliment isir progress lejn VMK li se jieħu ż-żmien u għandu jkun sinkronizzat ma’ inizjattivi ta’ politika oħrajn.

3.19.1.

Baġit tal-UE b’saħħtu biżżejjed jippermetti trasferimenti finanzjarji bħala kumpens għal xokkijiet jew żvantaġġi komparattivi. F’dan ir-rigward, il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji stabbilit biex jeżamina “kif in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE tista’ ssir aktar sempliċi, trasparenti, ġusta u demokratikament responsabbli”, jenfasizza l-importanza ta’ politika fiskali Ewropea (17).

3.19.2.

Politika ekonomika kkoordinata aħjar tista’ tneħħi l-ħtieġa ta’ kontrobilanċ tar-regoli tat-taxxa nazzjonali mhux koordinati. L-ekonomija tal-UE se tkun aktar effettiva f’kuntest ta’ riformi strutturali, investiment immirat, tassazzjoni ġusta, ftehimiet ta’ kummerċ ġust, il-kisba mill-ġdid tat-tmexxija fl-innovazzjoni, u l-ikkompletar tas-Suq Uniku.

3.19.3.

Madankollu huwa wkoll ta’ importanza vitali li jitwettaq is-Suq Uniku. Ir-regoli dwar in-nondiskriminazzjoni u l-erba’ libertajiet garantiti mit-Trattat għandhom diġà jiżguraw it-twettiq tal-kundizzjonijiet għal Suq Uniku. L-iżviluppi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u n-numru ta’ każijiet ta’ ksur urew ukoll li l-Kummissjoni għandha mezzi biex tikkoreġi tali distorsjonijiet. Ikun hemm bżonn ta’ xogħol analitiku sostanzjali li jivvaluta sa fejn il-miżuri attwali fil-qasam tat-taxxa ma kinux biżżejjed.

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  COM(2019) 8 final, p. 4

(2)  Opinjoni tal-KESE ĠU C 230, 14.7.2015, p. 24; Opinjoni tal-KESE ĠU C 434, 15.12.2017, p. 18; Opinjoni tal-KESE ĠU C 271, 19.9.2013, p. 23; Opinjoni tal-KESE ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8

(3)  Euractiv - Time to get rid of EU’s unanimity rule on green fiscal matters (Wasal iż-żmien li neħilsu mir-regola tal-unanimità tal-UE dwar kwistjonijiet fiskali ekoloġiċi).

(4)  Opinjoni tal-KESE ĠU C 434, 15.12.2017, p. 58

(5)  Opinjoni tal-KESE ĠU C 237, 6.7.2018, p. 40

(6)  https://www.oecd.org/tax/beps/

(7)  http://www.oecd.org/ctp/oecd-presents-outputs-of-oecd-g20-beps-project-for-discussion-at-g20-finance-ministers-meeting.htm

(8)  http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-16-160_en.htm

(9)  Il-Kummissarju Moscovici, tweet fit-13 ta’ Frar 2019.

(10)  Opinjonijiet tal-KESE: ĠU C 237, 6.7.2018, p. 40; ĠU C 283, 10.8.2018, p. 35

(11)  Il-Parlament Ewropew – Rapport dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa

(12)  Aħbarijiet tal-Parlament Ewropew: Frodi tat-taxxa.

(13)  https://www.consilium.europa.eu/media/31945/st15429en17.pdf

(14)  https://www.oxfam.org/en/even-it/full-disclosure-eus-blacklist-tax-havens

(15)  https://www.eesc.europa.eu/es/node/56888

(16)  Opinjoni tal-KESE ĠU C 229, 31.07.2012, p. 7

(17)  L-Iffinanzjar Futur tal-UE (“Ir-Rapport Monti”). Diċembru 2016.


18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/96


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-“Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment — Ir-Raba’ Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija”

(COM(2019) 175 final)

(2019/C 353/15)

Relatur: Christophe QUAREZ

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 3.6.2019

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

3.7.2019

Adottata fil-plenarja

17.7.2019

Sessjoni plenarja Nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

183/2/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jieħu nota tar-Raba’ Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, jappoġġja l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija u jilqa’ l-enfasi fuq l-involviment u l-mobilizzazzjoni tas-soċjetà tal-UE biex tieħu responsabbiltà sħiħa tal-Unjoni tal-Enerġija. Itenni l-proposti tiegħu għal djalogu dwar l-enerġija effettiv mas-soċjetà ċivili organizzata fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali. Jitlob ukoll li tiġi stabbilita rabta aktar mill-qrib bejn rapporti futuri dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija u l-istrateġija fit-tul proposta għall-2050.

1.2.

Il-KESE huwa sorpriż bid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li “l-Unjoni tal-Enerġija hija realtà”. Hemm mnejn li l-Unjoni tal-Enerġija hija realtà f’dak li għandu x’jaqsam mad-deċiżjonijiet ta’ politika tal-UE, iżda għad mhijiex realtà fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej. Il-KESE għalhekk jistieden lill-Kummissjoni Ewropea żżomm lill-Istati Membri responsabbli għad-deċiżjonijiet li huma stess adottaw fil-livell tal-UE. Jappella wkoll biex it-tranżizzjoni tal-enerġija u l-azzjoni klimatika jkunu aktar ambizzjużi.

1.3.

Il-KESE tassew jiddispjaċih dwar il-persistenza ta’ fehmiet diverġenti tal-gvernijiet nazzjonali, kif ukoll dwar id-differenzi bejn dak li l-gvernijiet nazzjonali jivvutaw dwaru fi Brussell u dak li jimplimentaw f’pajjiżhom. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tuża aktar is-setgħat tagħha, inklużi s-setgħat legali, biex tiżgura li l-liġi tal-UE dwar l-enerġija, inklużi l-miri tal-klima u l-enerġija tal-2020, jiġu rispettati mill-Istati Membri. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tanalizza r-raġunijiet għall-fehmiet diverġenti tal-gvernijiet nazzjonali, kif ukoll ir-raġunijiet għala xi Stati Membri mhux se jilħqu l-miri tagħhom dwar l-enerġija u l-klima.

1.4.

Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea m’użatx ir-Raba’ Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija biżżejjed biex tenfasizza n-nuqqas ta’ progress ċar fir-rigward ta’ erbgħa mill-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Enerġija: li ċ-ċittadin jitqiegħed fil-qalba, li jitnaqqsu l-importazzjonijiet tal-enerġija, li nkunu l-mexxejja fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u li noħolqu impjiegi fil-qasam tal-enerġija nadifa.

1.5.

Il-KESE jenfasizza għal darb’oħra li l-Ewropa teħtieġ “Patt soċjali għal tranżizzjoni tal-enerġija mmexxija miċ-ċittadini”, li jkun hemm qbil dwaru mill-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-bliet, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata, sabiex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni ma tħalli lil ħadd barra. Dan għandu jsir is-sitt dimensjoni tal-Unjoni tal-Enerġija u jkopri l-aspetti soċjali kollha, inkluż il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, it-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-konsumaturi, il-protezzjoni soċjali, pjani speċifiċi għal reġjuni fi tranżizzjoni fejn jintilfu l-impjiegi, is-saħħa u l-faqar enerġetiku. Din l-inizjattiva għandha tkun parti mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

1.6.

Il-KESE jilqa’ t-tnedija tal-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku, li jista’ jkun biss l-ewwel pass lejn l-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni Ewropew immirat lejn l-eradikazzjoni tal-faqar enerġetiku fl-Ewropa. F’dan ir-rigward, it-tariffi soċjali jew iċ-ċekkijiet tal-enerġija jistgħu jikkostitwixxu biss għajnuna temporanja u għandhom jiġu sostitwiti gradwalment minn sussidji pubbliċi li jgħinu lil Ewropej foqra jadottaw soluzzjonijiet strutturali, bħall-modifiki retroattivi radikali tal-bini.

1.7.

Il-KESE jiddispjaċih li ma ngħatatx biżżejjed attenzjoni lill-valutazzjoni tad-dipendenza enerġetika tal-UE u l-implikazzjonijiet ġeopolitiċi tagħha. Dan għandu jinkludi l-monitoraġġ tal-evoluzzjoni tad-dipendenza tal-UE mill-enerġija importata (eż. iż-żejt, il-gass naturali, il-faħam u l-uranju), kif ukoll il-prodotti importati b’rabta mat-tranżizzjoni tal-enerġija (eż. batteriji, pannelli solari) u l-investiment barrani f’assi u kumpaniji strateġiċi tal-UE fil-qasam tal-enerġija (eż. kumpaniji Amerikani li jixtru segmenti ewlenin tal-katina tal-valur tal-impjanti tal-enerġija termali; kumpaniji Ċiniżi li jixtru kumpaniji tal-grilja elettrika; investiment Russu fis-settur tal-enerġija f’ċerti pajjiżi).

1.8.

Fid-dawl tal-importanza tat-tibdil fil-klima bħala tema politika ewlenija tal-UE, kemm fil-perċezzjoni taċ-ċittadini kif ukoll fil-programmi tal-partiti politiċi, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea li jmiss biex tagħmel il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima prijorità ewlenija għall-mandat tagħha tal-2019-2024. Din il-prijorità għandha tiġi riflessa fl-organizzazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, bil-ħolqien ta’ pożizzjoni tal-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Azzjoni Klimatika.

2.   Sfond u riflessjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-KESE

2.1.

Jeżisti appoġġ b’saħħtu u li dejjem jiżdied fost il-pubbliku tal-UE għall-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija u għal politiki aktar ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija. Stħarriġiet reċenti tal-Ewrobarometru (1) jindikaw li madwar 80 % taċ-ċittadini tal-UE jqisu t-tibdil fil-klima bħala problema serja ħafna, u li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-użu aktar effiċjenti tal-enerġija jistgħu jagħtu spinta lill-ekonomija u lill-impjiegi tal-UE. Dan l-appoġġ sar aktar viżibbli bil-moviment taż-żgħażagħ #FridaysForFuture.

2.2.

Il-KESE jinnota l-appoġġ dejjem akbar għall-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija fil-komunità tan-negozju Ewropea, kemm barra kif ukoll fi ħdan is-settur tal-enerġija, kif muri pereżempju mill-Eurelectric u l-B team.

2.3.

Hemm korp li qed jikber ta’ esperti u sejbiet xjentifiċi li jikkonferma li l-ekonomija tal-UE tista’ tibbenefika mit-trasformazzjoni tagħha f’ekonomija newtrali f’termini ta’ impatt fuq il-klima. Ġiet proposta evidenza reċenti mill-Kummissjoni Ewropea u l-istrateġija fit-tul tagħha ta’ Novembru 2018 (2).

2.4.

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih dwar il-persistenza ta’ fehmiet diverġenti tal-gvernijiet nazzjonali, kif ukoll dwar id-differenzi bejn dak li l-gvernijiet nazzjonali jivvutaw dwaru fi Brussell u dak li jimplimentaw f’pajjiżhom. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tuża aktar is-setgħat tagħha, inklużi s-setgħat legali, biex tiżgura li l-liġi tal-UE dwar l-enerġija, inklużi l-miri tal-klima u l-enerġija tal-2020, jiġu rispettati mill-Istati Membri. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tanalizza r-raġunijiet għall-fehmiet diverġenti tal-gvernijiet nazzjonali, kif ukoll ir-raġunijiet għala xi Stati Membri mhux se jilħqu l-miri tagħhom dwar l-enerġija u l-klima.

2.5.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi mnedija fis-snin reċenti u mfakkra fl-Istat tal-Enerġija tal-Unjoni, inkluż dwar il-gżejjer tal-UE, ir-reġjuni tal-faħam, il-batteriji u l-faqar enerġetiku. Dawn kollha huma fundamentali biex imexxu ’l quddiem politika industrijali integrata li tista’ tappoġġja tranżizzjoni tal-enerġija soċjalment ġusta li toħloq impjiegi ta’ kwalità, u għandhom jitqiesu bħala opportunità għall-industrija biex turi l-kapaċità tal-Ewropa li tiżviluppa soluzzjonijiet adegwati għall-isfidi attwali.

2.6.

Il-KESE kemm-il darba iddikjara li l-Unjoni tal-Enerġija għandha tipprovdi ambjent stabbli u favorevoli għall-intrapriżi Ewropej, bil-għan li jkunu jistgħu u jitħeġġu jinvestu u jimpjegaw, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-potenzjal tal-SMEs. Il-KESE għalhekk jilqa’ d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u jistieden lis-soċjetà ċivili organizzata biex taqdi rwol aktar attiv biex tiżgura l-implimentazzjoni adatta ta’ dan ir-Regolament.

2.7.

Il-KESE jilqa’ wkoll ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li ġie ppubblikat f’Jannar 2019 dwar “Il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa”, peress li jipprovdi informazzjoni trasparenti dwar iż-żidiet reċenti fil-prezzijiet tal-enerġija, li fil-biċċa l-kbira huma marbuta ma’ żieda fil-prezz tal-karburanti fossili, li wasslet għal żieda ta’ 26 % fil-kont tal-importazzjoni tal-karburanti fossili tal-UE bejn l-2016 u l-2017, biex jintlaħaq total ta’ EUR 266 biljun. Il-KESE jitlob għal aktar trasparenza fir-rigward tas-sussidji tal-karburanti fossili u d-diverġenza fil-prezzijiet tal-enerġija madwar l-Unjoni Ewropea, inkluża dik li tirriżulta minn għażliet nazzjonali differenti fir-rigward tat-tassazzjoni tal-enerġija.

2.8.

Il-KESE talab biex id-dimensjoni soċjali tiġi inkluża fost il-kriterji tal-evalwazzjoni fir-rapport tal-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija li jmiss. Għalhekk, jilqa’ bis-sħiħ l-inizjattivi soċjali meħuda mill-Kummissjoni Ewropea, bħal dawk marbuta mar-reġjuni intensivi fl-użu tal-karbonju u mal-faqar enerġetiku, kif ukoll il-ħolqien ta’ sottotaqsima speċifika fir-rapport tal-Istat dwar l-Unjoni tal-Enerġija ddedikata għad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni tal-Enerġija.

2.9.

Il-KESE minn dejjem ikkunsidra li d-disponibbiltà ta’enerġija affordabbli u l-aċċess fiżiku għaliha huma essenzjali biex jiġi evitat il-faqar enerġetiku. Għaldaqstant jilqa’ t-tnedija tal-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku, li jista’ jkun biss l-ewwel pass lejn l-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni Ewropew immirat lejn l-eradikazzjoni tal-faqar enerġetiku fl-Ewropa. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea testendi l-mandat u r-riżorsi tal-Osservatorju sabiex ikun jista’ jkompli jaħdem fuq il-faqar fil-qasam tat-tisħin u jespandi l-ħidma tiegħu biex jinkludi l-faqar fl-oqsma tat-tkessiħ u l-faqar tal-mobbiltà.

2.10.

Il-KESE jinnota li t-tranżizzjoni tal-enerġija ma teħtiġx ammonti ta’ investiment tant differenti meta mqabbla ma’ dawk meħtieġa biex tinżamm is-sistema tal-enerġija attwali bbażata fuq l-użu ineffiċjenti ta’ karburanti fossili importati. L-isfida ewlenija hija biex jiġi allokat mill-ġdid il-kapital minn assi u infrastrutturi b’livell għoli ta’ karbonju għal assi u infrastrutturi mingħajr karbonju.

2.11.

Biex jgħinu lill-investituri privati jwettqu din l-allokazzjoni mill-ġdid tal-kapital, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiżguraw prezzijiet tal-karbonju effettivi u prevedibbli għall-attivitajiet ekonomiċi kollha u jeliminaw b’mod gradwali s-sussidji kollha għall-karburanti fossili. Fost l-elementi possibbli, insibu prezz minimu għall-karbonju għall-ETS, flimkien mal-armonizzazzjoni tat-taxxi fuq l-enerġija. Il-KESE għalhekk jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi żgurat li l-armonizzazzjoni tal-UE tat-tassazzjoni fuq l-enerġija tkun tista’ tiġi deċiża b’maġġoranza kwalifikata, aktar milli b’unanimità, peress li din il-proċedura tista’ tippermetti li gvern nazzjonali wieħed jimblokka kwalunkwe progress tal-Unjoni Ewropea. Is-settur tal-avjazzjoni jista’ jkun l-ewwel settur fejn tista’ sseħħ tali armonizzazzjoni.

3.   Kummenti dwar ir-Raba’ Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija u l-passi ta’ segwitu

3.1.    Il-ħolqien ta’ governanza b’saħħitha u demokratika għat-tranżizzjoni tal-enerġija tal-Ewropa

3.1.1.

Il-KESE jqis li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom bżonn jiddemokratizzaw aktar it-tfassil tal-politika dwar l-enerġija. Jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-għodod bħalma huma stħarriġ deliberattiv u l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej u jiżguraw impenn sistemiku mas-soċjetà ċivili organizzata. Sistema tal-enerġija aktar deċentralizzata, fejn il-komunitajiet lokali tal-enerġija jaqdu rwol akbar, tista’ tikkostitwixxi element importanti biex tirfed id-demokratizzazzjoni u s-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija Ewropea.

3.1.2.

Biex tipprovdi ambjent tan-negozju stabbli u favorevoli għall-kumpaniji Ewropej, b’mod speċjali l-SMEs, l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha għandhom jiżviluppaw pjani tal-enerġija fit-tul biex jiksbu l-objettiv tan-newtralità tal-karbonju li qablu dwaru fil-Ftehim ta’ Pariġi. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tadotta l-objettiv li l-UE ssir ekonomija newtrali f’termini ta’ impatt fuq il-klima sal-2050. Iktar tard għandhom jitfasslu strateġiji tad-dekarbonizzazzjoni settorjali u reġjonali biex jidentifikaw l-opportunitajiet lokali u ta’ negozju u jantiċipaw il-ħolqien u t-telf tal-impjiegi fil-futur sabiex jiżguraw tranżizzjoni bla xkiel.

3.1.3.

Il-KESE jikkritika l-ambigwità ta’ diversi wegħdiet politiċi. Pereżempju, il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea qatt ma ċċarat it-tifsira tal-ambizzjonijiet tagħha biex tagħmel l-Ewropa “in-numru wieħed fl-enerġija rinnovabbli”.

3.1.4.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi mmirati biex jgħinu lir-reġjuni u lill-gżejjer intensivi fl-użu tal-karbonju fit-tranżizzjoni tal-enerġija tagħhom. Il-KESE jtenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tinvolvi lill-Istati Membri u lir-reġjuni kollha biex b’mod konġunt jimmappjaw il-punti ta’ saħħa u ta’ dgħufija ta’ kull reġjun Ewropew fir-rigward tat-tranżizzjoni tal-enerġija. L-immappjar għandu jikkontribwixxi għall-istrateġiji industrijali u l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom, kif ukoll jgħinhom jantiċipaw l-eżitu probabbli f’termini ta’ ħolqien, telf u definizzjoni mill-ġdid tal-impjiegi minħabba t-tranżizzjoni (3).

3.1.5.

Il-KESE jirrikonoxxi li governanza b’saħħitha u demokratika tal-Unjoni tal-Enerġija tirrikjedi l-ħolqien ta’ “Servizz Ewropew ta’ Informazzjoni dwar l-Enerġija” fi ħdan l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent li jkun jista’ jiżgura l-kwalità tad-data pprovduta mill-Istati Membri, jiżviluppa punt tad-dħul wieħed għas-settijiet tad-data kollha meħtieġa biex jiġi vvalutat il-progress tal-Unjoni tal-Enerġija, jiżviluppa flimkien mal-partijiet ikkonċernati s-suppożizzjonijiet għal xenarji differenti, jipprovdi mudelli b’sors miftuħ biex jippermetti l-ittestjar ta’ suppożizzjonijiet differenti u jikkontrolla l-konsistenza bejn projezzjonijiet differenti. Il-ħidma tiegħu għandha tkun aċċessibbli liberament għal dawk kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet, għan-negozji u għall-pubbliku ġenerali.

3.2.    Tfassil konġunt ta’ patt soċjali għal tranżizzjoni tal-enerġija mmexxija miċ-ċittadini

3.2.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li: “L-implikazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-bidliet [tat-tranżizzjoni tal-enerġija] iridu jkunu parti mill-proċess ta’ politika mill-bidu nett, u mhux sempliċiment kunsiderazzjoni li tiġi wara”. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea timplimenta din id-dikjarazzjoni fil-prattika u jinsab lest jipprovdi l-appoġġ u l-għarfien espert tiegħu.

3.2.2.

Il-KESE jtenni li l-Ewropa teħtieġ “Patt soċjali għal tranżizzjoni tal-enerġija mmexxija miċ-ċittadini”, li jkun hemm qbil dwaru mill-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-bliet, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata, sabiex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni ma tħalli lil ħadd barra. Dan għandu jsir is-sitt dimensjoni tal-Unjoni tal-Enerġija u jkopri l-aspetti soċjali kollha, inkluż il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, it-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-konsumaturi, il-protezzjoni soċjali, pjani speċifiċi għal reġjuni fi tranżizzjoni fejn jintilfu l-impjiegi, is-saħħa u l-faqar enerġetiku. Din l-inizjattiva għandha tkun parti mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Tali Patt jista’ jibni fuq esperjenzi nazzjonali, pereżempju l-“Pacte pour le pouvoir de vivre” [Patt għas-setgħa tal-għajxien] Franċiż li jiġbor flimkien 19-il trejdjunjin u NGO.

3.2.2.1.

Il-KESE jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn tipprovdi finanzjament adatt biex tappoġġja lil ħaddiema f’riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom b’riżultat tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ impatt fuq il-klima. Għal dan il-għan, huwa u jibni fuq l-esperjenza tal-Pjattaforma għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiżguraw li l-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Reġjonali u l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni jitfasslu u jiġu ffinanzjati kif imiss biex jindirizzaw l-isfidi tat-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali f’termini ta’ impatt fuq il-klima. Dan ikun sinjal tar-rieda tal-Ewropa li tiżgura li ħadd ma jitħalla barra.

3.2.3.

Il-KESE jixtieq li l-Unjoni tal-Enerġija tiġi żviluppata b’tali mod li ssir opportunità biex jinqered il-faqar enerġetiku fl-Ewropa u jittejbu l-kwalità tal-ħajja, il-ħolqien tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali. Abbażi tas-sejbiet tal-Osservatorju Ewropew tal-Faqar Enerġetiku u “l-Indiċi tal-Faqar Enerġetiku Ewropew” li għadu kemm ġie żviluppat, għandu jitfassal pjan ta’ azzjoni Ewropew biex jinqered il-faqar enerġetiku u dan għandu jsir b’kooperazzjoni mal-partijiet interessati, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-NGOs ta’ kontra l-faqar bħan-Netwerk Ewropew Kontra l-Faqar, biex jiġi żgurat li l-azzjoni pubblika timmira dejjem aktar il-kawżi fundamentali tal-faqar enerġetiku. Filwaqt li jinnota li fl-Opinjoni tiegħu dwar il-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha (4) sab li l-faqar enerġetiku jikkonċerna l-investiment u li l-familji vulnerabbli b’mod partikolari jiffaċċjaw ostakli biex jaċċessaw il-finanzjament, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li nimxu b’mod gradwali minn miżuri paljattivi għal miżuri preventivi, bħar-rinnovazzjoni biex bini antik jiġi trasformat f’bini mingħajr konsum nett ta’ enerġija. F’dan ir-rigward, it-tariffi soċjali jew iċ-ċekkijiet tal-enerġija jistgħu jikkostitwixxu biss għajnuna temporanja li għandhom jiġu sostitwiti gradwalment minn sussidji pubbliċi li jgħinu lil Ewropej foqra jadottaw soluzzjonijiet strutturali, bħall-modifiki retroattivi radikali tal-bini.

3.2.3.1.

Il-KESE jqis it-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali f’termini ta’ impatt fuq il-klima bħala l-opportunità biex jiġu pprovduti impjiegi għall-Ewropej. Il-Kummissjoni Ewropea tiddikjara li diġà hemm erba’ miljun Ewropew li jaħdmu għall-“ekonomija ekoloġika”. L-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija se toħloq aktar impjiegi, speċjalment meta t-tranżizzjoni ssir permezz tal-komunitajiet tal-enerġija lokali. Il-KESE jqis li għandu jsir investiment akbar fit-taħriġ vokazzjonali biex iż-żgħażagħ Ewropej, inklużi ż-żgħażagħ qiegħda, jiġu attirati lejn impjiegi b’rabta mat-tranżizzjoni tal-enerġija. Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa l-programm Erasmus Pro biex jattira aktar żgħażagħ lejn is-setturi li qed jikbru tal-ekonomija newtrali f’termini ta’ impatt fuq il-klima (eż. l-effiċjenza enerġitika, il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli) billi jtejjeb l-immaġni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn l-impjiegi.

3.2.4.

Il-KESE jqis li l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha għandhom jagħmlu l-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja prijorità politika ta’ livell għoli. Il-miżuri regolatorji intiżi biex inaqqsu s-sustanzi li jniġġsu fl-arja li joħorġu mill-vetturi u mill-impjanti tal-enerġija għandhom jissaħħu u jiddaħħlu fis-seħħ miżuri li eventwalment jeliminaw b’mod gradwali l-użu tal-karburanti fossili fit-trasport u fil-ġenerazzjoni tal-enerġija. Il-KESE jitlob ukoll li, f’rapport li jmiss, il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi analiżi dettaljata tal-ixpruni għall-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi u l-ostakli li għandhom jingħelbu.

3.2.5.

Il-KESE jilqa’ t-titjib fir-Raba’ Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija fir-rigward ta’ informazzjoni dwar l-użu ta’ strumenti ta’ investiment tal-UE, speċjalment dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Madankollu, jinnota l-ħtieġa li jittejbu l-mezzi għan-negozji ġodda, iċ-ċittadini, il-komunitajiet tal-enerġija lokali u l-proġetti bbażati fuq il-komunità biex ikollhom aċċess għal dawn ir-riżorsi (eż. appoġġ għall-pjattaformi finanzjarji, speċjalment fl-Istati Membri li m’għandhomx dawn l-entitajiet). Il-KESE jixtieq ikompli jinvestiga d-dimensjoni soċjali tat-tranżizzjoni tal-enerġija, permezz ta’ Opinjoni esploratorja separata jew rapport ta’ informazzjoni.

3.3.    It-trasport

Il-KESE jfakkar li s-settur tat-trasport jirrappreżenta terz tal-konsum tal-enerġija tal-UE. Filwaqt li l-emissjonijiet tal-UE qed jonqsu, dan mhux il-każ għas-settur tat-trasport. Għadu jiddependi kważi għalkollox (94 %) miż-żejt, li l-biċċa l-kbira minnu huwa importat.

3.3.1.

Il-KESE jilqa’ l-adozzjoni tal-pakkett dwar il-mobbiltà nadifa bħala l-ewwel pass biex tiġi żgurata tranżizzjoni għal mobbiltà nadifa. Huwa jilqa’ l-promozzjoni tal-elettrifikazzjoni iżda jfakkar li l-elettrifikazzjoni mhux se tkun biżżejjed u li għandhom isiru sforzi bla preċedent biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika u titnaqqas il-ħtieġa għal domanda ta’ mobbiltà bla bżonn – eż. id-distanzi twal bejn id-dar u l-post tax-xogħol.

3.3.2.

Il-KESE kien qed jittama li jkun hemm azzjoni madwar l-UE kollha biex jiġi evitat li jitħallew barra s-sidien bi dħul baxx b’vetturi li jniġġsu, li għandhom aċċess dejjem aktar ristrett għal ħafna żoni urbani. Jistgħu jsiru azzjonijiet fi ħdan l-Aġenda Urbana, jistgħu jiġu promossi l-mixi, iċ-ċikliżmu, it-trasport pubbliku, il-modifiki retroattivi bi spiża baxxa jew il-konverżjonijiet ta’ sistemi tal-mototrażmissjoni f’vetturi eżistenti minn karburanti fossili għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero.

3.3.3.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li r-Raba’ Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija jfakkar fl-importanza tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji. Il-KESE jappoġġja din l-inizjattiva biex jiġi żgurat li l-UE taqdi rwol ambizzjuż f’dan is-suq globali (5).

3.4.    L-infrastruttura, l-investiment u l-iżvilupp industrijali għat-tranżizzjoni tal-enerġija

3.4.1.

It-tranżizzjoni tal-enerġija għandha implikazzjonijiet sinifikanti għas-segmenti kollha tal-ekonomija, speċjalment l-utilitajiet, l-industriji li jużaw ħafna enerġija u l-industriji li jipprovdu soluzzjonijiet tal-enerġija. It-trasformazzjoni radikali tagħhom tirrikjedi investiment ta’ mijiet ta’ biljuni ta’ euro. Huma jiffaċċjaw riskji, sfidi u opportunitajiet, u huwa kruċjali għall-UE li tgħin lill-industriji, kif ukoll lill-kooperattivi tal-enerġija u liċ-ċittadini, jaħtfu l-opportunitajiet, jindirizzaw l-isfidi u jtaffu r-riskji.

3.4.2.

Il-KESE jiddispjaċih li ma ngħatatx biżżejjed attenzjoni lill-valutazzjoni tad-dipendenza enerġetika tal-UE u l-implikazzjonijiet ġeopolitiċi tagħha. Dan għandu jinkludi l-monitoraġġ tal-evoluzzjoni tad-dipendenza tal-UE mill-enerġija importata (eż. iż-żejt, il-gass naturali, il-faħam u l-uranju), kif ukoll il-prodotti importati b’rabta mat-tranżizzjoni tal-enerġija (eż. batteriji, pannelli solari) u l-investiment barrani f’assi u kumpaniji strateġiċi tal-UE fil-qasam tal-enerġija (eż. kumpaniji Amerikani li jixtru segmenti ewlenin tal-katina tal-valur tal-impjanti tal-enerġija termali; kumpaniji Ċiniżi li jixtru kumpaniji tal-grilja elettrika; investiment Russu fis-setturi tal-enerġija f’ċerti pajjiżi).

3.4.3.

Il-KESE jqis li l-UE għandha tkun aktar ambizzjuża fl-oqsma kollha tal-enerġija nadifa biex tipprovdi lin-negozji Ewropej b’suq domestiku sod fejn tkun tista’ titnieda l-innovazzjoni, kif ukoll bi strateġija industrijali integrata mmirata lejn l-esportazzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-enerġija nadifa lill-bqija tad-dinja.

3.4.4.

Il-KESE jiddispjaċih li l-investiment pubbliku (nazzjonali u tal-UE) fil-prijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija staġna fil-livell ta’ EUR 5 biljun fis-sena, mentri r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija għandhom ikunu prijorità ewlenija biex jiġu salvagwardjati l-kompetittività u l-klima tal-Ewropa. Il-KESE jistieden liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea biex jipprovdi aktar data dwar dan l-element, espress kemm f’termini assoluti kif ukoll f’persentaġġ tal-PDG tal-UE.

3.4.5.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-ħolqien tal-proġett pilota tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u l-proposta li jinħolqu “Missjonjiet ta’ Riċerka u Innovazzjoni” bħala mod kif ir-riċerka u l-innovazzjoni jingħataw direzzjoni aħjar lejn proġetti li effettivament jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà, inkluża t-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali f’termini ta’ impatt fuq il-klima. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jipproponu l-istabbiliment ta’ missjoni speċifika biex 100 belt Ewropea tkun newtrali f’termini ta’ impatt fuq il-klima sal-2030. Dan se jipprovdi lir-riċerkaturi, lill-innovaturi u lin-negozji tal-UE b’opportunitajiet kbar biex jiddisinjaw flimkien u jittestjaw l-innovazzjonijiet, jitgħallmu mill-esperjenza, u jkunu aktar lesti li jagħmlu tranżizzjoni rapida tal-enerġija fl-Ewropa u fil-bqija tad-dinja.

4.   L-involviment tas-soċjetà ċivili u l-kontribut tal-KESE

4.1.

Il-KESE huwa konvint li l-Unjoni tal-Enerġija tista’ tkun realtà f’termini ta’ politiki, iżda għad mhijiex realtà fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej. Il-KESE jilqa’ l-fatt li, bejn l-2015 u l-2019, dawk li jfasslu l-politika tal-UE stabbilixxew is-sisien tal-Unjoni tal-Enerġija, iżda għad fadal ħafna xi jsir fis-snin u fid-deċennji li ġejjin.

4.2.

It-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa tabilħaqq se tkun aktar mgħaġġla, orħos u aktar demokratika jekk tkun imħaddma minn persuni li dejjem aktar isiru konsumaturi, prosumaturi, ħaddiema, crowdsourcers u crowdfunders attivi tat-tranżizzjoni tal-enerġija. L-Unjoni Ewropea għandha timmira li timxi minn sitwazzjoni fejn il-politika dwar l-enerġija, anke fil-livell nazzjonali, kienet immexxija minn “deċiżjonijiet mill-ftit” għal waħda fejn effettivament tkun immexxija minn “azzjoni minn kulħadd”. Dan qatt ma seta’ jinkiseb daqs illum il-ġurnata, minħabba ż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-klima fost iċ-ċittadini tal-UE, speċjalment fost iż-żgħażagħ tal-Ewropa.

4.3.

Il-KESE jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ proposti ġenwini biex jiġu involuti aħjar l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini. Filwaqt li l-Unjoni tal-Enerġija kienet żvilupp pożittiv, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex dejjem iżjed tinvolvi ruħha ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u mal-partijiet interessati u b’mod speċifiku tiltaqa’ mal-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali u reġjonali u mas-soċjetà ċivili organizzata biex b’mod konġunt iwasslu l-enerġija nadifa lill-Ewropej kollha.

4.4.

Filwaqt li jfakkar fl-għodod disponibbli fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Enerġija, il-KESE jipproponi li għandu jitwaqqaf djalogu permanenti taċ-ċittadini u li għandu jkun element preparatorju obbligatorju tad-deċiżjonijiet politiċi ewlenin kollha u tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE kollha li huma rilevanti għat-tibdil fil-klima. It-trasparenza u r-responsabbiltà għandhom ikunu elementi sinifikanti ta’ dan it-tip ta’ djalogu, jiġifieri l-input fid-djalogi għandu jkun pubblikament disponibbli u għandha tiġi pprovduta informazzjoni ċara dwar kif ġie kkunsidrat it-tħassib li tqajjem matul id-djalogu. Huwa essenzjali għas-suċċess ta’ tali djalogu li jinħass li huwa viċin taċ-ċittadini. Għalhekk, filwaqt li djalogu fuq l-Internet jista’ jkun utli, dan mhuwiex biżżejjed u għandu jkun ikkomplementat minn laqgħat u kuntatt dirett mal-pubbliku ġenerali. Huwa neċessarju għalhekk li d-djalogu jkun viżibbli, li jkunu disponibbli riżorsi finanzjarji u tal-persunal adegwati u li dan id-djalogu jingħata wiċċ fil-forma ta’ viċi president iddedikat tal-Kummissjoni Ewropea, Kummissarju jew persuna oħra f’kariga ta’ livell għoli.

4.5.

Il-KESE jixtieq jikkontribwixxi b’mod attiv għall-iżvilupp ulterjuri tas-sinerġija u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fil-livell tal-UE, is-soċjetà ċivili organizzata, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-istituzzjonijiet tagħhom, rilevanti għall-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, permezz tal-qrubija tagħhom għal-livell tal-pubbliku ġenerali u tal-għarfien tagħhom ta’ kull kuntest lokali speċifiku, għandhom ir-riedni f’idejhom biex b’mod effettiv jadattaw u jimplimentaw il-politiki relatati mal-enerġija. Huma jikkostitwixxu livell ewlieni ta’ teħid tad-deċiżjonijiet f’setturi bħat-trasport, l-ippjanar urban, il-bini u l-protezzjoni soċjali, li jagħmilhom estremament importanti għal miżuri kkoordinati favur l-effiċjenza enerġetika u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Rapport Speċjali tal-Ewrobarometru 459 “It-Tibdil fil-Klima”, Marzu 2017.

(2)  COM(2018) 773 final.

(3)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 1.

(4)  ĠU C 246, 28.7.2017, p. 64.

(5)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 1.


18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/102


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-Implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji: Nibnu Katina tal-Valur tal-Batteriji Strateġika fl-Ewropa”

(COM(2019) 176 final)

(2019/C 353/16)

Relatur: Colin LUSTENHOUWER

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 3.6.2019

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

3.7.2019

Adottata fil-plenarja

17.7.2019

Sessjoni plenarja Nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

189/1/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-ewwel rapport ta’ progress tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji juri li tnediet varjetà ta’ azzjonijiet biex tiġi żviluppata industrija sinifikanti tal-batteriji fl-UE.

1.2.

Għalkemm għadu kmieni wisq biex jinsiltu konklużjonijiet definittivi, il-KESE jappoġġja l-inizjattivi li ħadet il-Kummissjoni u ħabbret li ser taħdem mal-Istati Membri u mal-industrija Ewropea biex tinqata’ d-dipendenza tal-Ewropa fuq pajjiżi li mhumiex fl-UE — partikolarment fuq dawk Asjatiċi.

1.3.

Hemm ħafna xi jsir fis-snin li ġejjin biex jinkiseb il-livell meħtieġ ta’ għarfien espert teknoloġiku fl-UE, biex tiġi żgurata l-provvista ta’ materja prima minn pajjiżi terzi u sorsi tal-UE u biex jiġi żgurat li l-batteriji jkunu jistgħu jiġu rriċiklati b’mod sikur u nadif.

1.4.

L-investiment fil-persunal huwa r-responsabbiltà konġunta għall-gvern u l-komunità tan-negozju.

2.   Introduzzjoni

A.

F’Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni bit-titolu “Ewropa Attiva” (1). Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-politika li għandha f’moħħha l-Kummissjoni fir-rigward tal-mobilità sostenibbli għall-Ewropa: sikura, konnessa u nadifa.

2.1.

Il-politika tifforma parti mill-politika tal-Kummissjoni ta’ Juncker dwar “Unjoni Ewropea tal-Enerġija” — qafas komprensiv li jintegra l-politika dwar il-klima fil-politika dwar l-enerġija u kkumplementat minn politika industrijali mmirata biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dawn l-għanijiet ifittxu li l-ewwel u qabel kollox inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-produzzjoni tal-enerġija bbażata fuq il-karburanti fossili (2) kif ukoll mit-trasport li, fl-Ewropa, jiddependi fuq il-vetturi (trakkijiet, karozzi) li jużaw magni tal-kombustjoni u li huma stess jaħdmu bil-karburanti fossili (petrol, gass).

2.2.

Fil-kuntest ta’ “Ewropa Attiva”, tfassal pjan ta’ azzjoni speċifiku mill-Kummissjoni bil-għan li jiġu żviluppati u prodotti batteriji. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ppreżentat anness separat għall-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq bit-titolu “Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji”.

B.

Għaliex pjan ta’ azzjoni speċifiku għall-batteriji?

2.3.

Il-batteriji saru parti indispensabbli tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Fil-mowbajls tagħna, il-kompjuters tagħna u t-tablets tagħna, l-apparati domestiċi tagħna, u speċjalment fil-vetturi elettriċi tagħna, il-batteriji huma essenzjali biex jiżguraw li dawn l-oġġetti jaħdmu b’mod effettiv u sikur u li preferibbilment ikollhom ħajja twila. Fl-istess ħin, it-tul tal-ħajja ta’ batterija għadu limitat (wisq). Fi ħdan dawn il-gruppi ta’ prodotti, il-politika tal-Kummissjoni, kif stabbilita fil-Pjan ta’ Azzjoni, tiffoka l-aktar fuq l-iżvilupp tal-batteriji għall-vetturi elettriċi, iżda wkoll fuq aspetti oħra bħat-tieni użu tal-batterija u r-riċiklaġġ (3).

2.4.

Is-sistemi tal-batteriji huma tajbin għall-ħżin tal-enerġija fuq skala żgħira. Il-ħżin tal-enerġija fuq skala kbira, tal-enerġija prodotta minn parks eoliċi lil hinn mill-kosta pereżempju, ma jidhirx li huwa verament fattibbli fil-batteriji. Dan il-ħżin tal-enerġija fuq skala kbira għandu jitwettaq permezz ta’ trasportaturi oħra tal-enerġija, bħall-idroġenu u l-ammonja (4). F’dan il-qasam ukoll, il-Kummissjoni tappoġġja firxa wiesgħa ta’ inizjattivi li jużaw il-baġit tal-Orizzont 2020, bħat-teknoloġija “mill-elettriku għall-gass” (5). Bl-istess mod, tingħata attenzjoni kbira lill-iżvilupp teknoloġiku ta’ modi effiċjenti u sikuri ta’ kif ikun hemm konnessjoni mal-grilji elettriċi b’vultaġġ għoli (“power to the grid”) bl-użu tal-ħżin tal-enerġija, sabiex jiġu eliminati l-ispejjeż għoljin ħafna ta’ “stazzjonijiet ta’ konverżjoni lil hinn mill-kosta”. Dan jista’ jipprevjeni wkoll livell għoli ta’ telf tal-grilja li għadu jseħħ bl-użu ta’ kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli f’qiegħ il-baħar jew fuq qiegħ il-baħar bejn il-parks eoliċi fuq il-baħar u l-art kontinentali, li forsi jista’ jwassal għal gwadanji fl-effiċjenza ta’ madwar 10-15 % fil-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija lil hinn mill-kosta.

2.5.

Il-batteriji huma mistennija li jammontaw għal madwar 40 sa 50 % tal-ispiża ta’ vettura elettrika, iżda huwa diġà ċar li dawn l-ispejjeż jistgħu jonqsu. Minħabba l-iżvilupp mgħaġġel ħafna tal-vetturi elettriċi (6), id-disponibbiltà ta’ batteriji effettivi, sikuri u li jirrispettaw l-ambjent għal darb’oħra saret kwistjoni serja. Il-Kummissjoni tara suq enormi għall-industrija Ewropea, li jista’ jammonta għal 400 GWH u EUR 250 biljun sal-2025. Dan jirrappreżenta opportunitajiet għall-Ewropa, mhux biss mill-perspettiva tal-objettivi klimatiċi iżda wkoll mill-perspettiva ekonomika u tal-impjiegi. Bħalma qalet dan l-aħħar il-Kummissarju Bieńkowska: “Qed nantiċipaw industrija b’saħħitha tal-batteriji fl-UE li tikkontribwixxi għall-ekonomija ċirkolari u għall-mobilità nadifa”.

2.6.

Iżda ejja nkunu ċari dwar is-sitwazzjoni: l-Ewropa għadha ’l bogħod ħafna mill-pajjiżi u n-negozji Asjatiċi f’termini ta’ żvilupp tal-batteriji (riċerka u żvilupp) u produzzjoni. Sa 85 % tal-batteriji kollha li nużaw fl-Ewropa jiġu miċ-Ċina, mill-Ġappun jew mill-Korea. Il-produzzjoni Ewropea tirrappreżenta biss 3 % tal-produzzjoni dinjija, waqt li dik tal-Istati Uniti tammonta għal madwar 15 %. Dan ifisser li jekk irridu nittrasformaw il-mobilità mill-propulsjoni fossili għall-propulsjoni elettrika fl-Ewropa, ser niddependu kompletament fuq il-kapaċità tal-produzzjoni Asjatika.

2.7.

Bħallikieku dan ma kienx serju biżżejjed, il-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tal-batteriji, bħalma huma l-litju, in-nikil, il-manganiż u l-kobalt, attwalment qegħdin jiġu estratti fi kwantitajiet limitati fl-Ewropa, minkejja li jeżistu riżervi potenzjali. Jeħtieġ li dawn ir-riżervi Ewropej jiġu sfruttati, għalkemm bħalissa jidher li ser ikunu kapaċi jkopru biss madwar 15 sa 20 % tad-domanda totali. Il-materja prima neċessarja ġejja wkoll mill-Amerika Latina, mill-Afrika u mill-Asja, fejn allegatament iċ-Ċiniżi ħolqu kumpaniji kbar tal-minjieri sabiex jipprovdulhom aċċess mingħajr xkiel għal din il-materja prima (7). Barra minn hekk, il-minerali Ewropej spiss jiġu rfinati u pproċessati fiċ-Ċina wkoll.

2.8.

L-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-materja prima jużaw ħafna enerġija u jipproduċu volumi importanti ta’ skart tal-minjieri, inkluż f’xi każijiet skart perikoluż.

2.9.

L-Ewropa, min-naħa l-oħra, qed tiffaċċja l-problema tal-ipproċessar tal-batteriji. L-ammont kbir involut ifisser li qed niffaċċjaw problema ġdida u inkwetanti ta’ rimi ta’ skart, mhux l-inqas minħabba li r-riċiklaġġ tal-materjal minn dawn il-batteriji qodma għadu fl-istadji bikrija. Anke llum il-ġurnata, huwa biss madwar 10 % tal-materjal mill-batteriji li jiġi rkuprat. Għalhekk hemm potenzjal konsiderevoli għall-ipproċessar/l-irkupru.

3.   Ir-Rapport dwar il-Progress 2019

3.1.

Fl-Opinjoni tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 2018 (8), il-KESE appoġġja l-proposti tal-Kummissjoni għal trasport aktar sostenibbli u l-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji. Fl-istess ħin, il-Kumitat enfasizza li ħafna fatturi jistgħu jfixklu l-implimentazzjoni tal-pjan, bħalma huma d-dipendenza fuq il-materja prima ta’ pajjiż terz, in-nuqqas ta’ karburanti alternattivi, id-diffikultajiet tal-ġestjoni, l-ipproċessar u r-rimi ta’ batteriji użati u n-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa.

3.2.

Fid-9 ta’ April 2019, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel rapport ta’ progress dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji ta’ Mejju 2018. Ir-rapport ta’ progress jindika li qed jiġu żviluppati ħafna inizjattivi settorjali u reġjonali. Pereżempju, l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji tidher li hija pjattaforma abilitanti fejn in-negozji, dawk li jfasslu l-politika u x-xjenzati jistgħu jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jilħqu l-objettiv kuraġġuż u ambizzjuż li l-UE u l-industriji tagħha jerġgħu jkunu fuq quddiem nett fit-teknoloġija tal-batterija li qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla. Tnediet sejħa inizjali għall-proposti b’baġit ta’ EUR 114-il miljun taħt il-Programm Orizzont 2020, u ser titnieda sejħa oħra b’baġit ta’ EUR 132 miljun għall-2020. Barra minn hekk, jista’ jiġi pprovdut finanzjament fuq skala kbira mir-riżorsi disponibbli għall-politika reġjonali tal-UE. In-negozji u x-xjenza jidhru ħerqana li jinvolvu ruħhom sabiex jikkomplementaw l-investimenti tagħhom bil-fondi tal-UE u biex iżidu l-iżvilupp fir-riċerka u l-iżvilupp.

3.3.

Minn mindu ġie ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni ġew żviluppati numru ta’ inizjattivi, iżda ħafna minnhom, inklużi l-inizjattivi interreġjonali, għadhom biss fil-fażi preparatorja. Peress li bilkemm għaddiet sena minn mindu ġie ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni, jidher li għadu kmieni wisq biex jittieħed kont tas-sitwazzjoni. Madankollu jidher ċar li hemm sens mifrux ta’ urġenza: dawk li jfasslu l-politika, ix-xjenzati u n-negozji jirrealizzaw li huwa tard, saħansitra tard wisq. Ir-riskji huma kbar ħafna: hemm riskju ġenwin li partijiet kbar ħafna mill-industrija Ewropea tal-karozzi jmexxu l-produzzjonijiet tagħhom lejn reġjuni qrib l-unitajiet li jipproduċu ċ-ċelloli tal-batteriji, prinċipalment fl-Asja. Dan iqajjem il-kwistjoni tal-impjiegi ta’ madwar 13-il miljun ħaddiem Ewropew fis-settur.

4.   It-triq ’il quddiem

4.1.

Minn mindu l-Kummissjoni ta’ Juncker bdiet il-mandat tagħha u ġie adottat il-programm tal-Unjoni tal-Enerġija Ewropea, ġew żviluppati għadd ta’ azzjonijiet li, fl-isfond tal-politika dwar il-klima, stabbilixxew politika industrijali li tat attenzjoni kompletament ġdida lit-tranżizzjoni għal soċjetà aktar sostenibbli. Il-politika industrijali tal-Kummissjoni, appoġġjata mill-Istati Membri, ingħatat rwol akbar ta’ tmexxija u ta’ inizjazzjoni minn dak li kellha qabel. Il-KESE jilqa’ l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni u jappella lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lin-negozji Ewropej biex ikomplu jsegwu d-direzzjoni li nbdiet reċentement.

4.2.

Approċċ bħal dan jintlaqa’ tajjeb u, peress li l-industrija Ewropea għadha lura sew fl-iżvilupp u l-produzzjoni tal-batteriji, dan huwa meħtieġ ukoll. Madankollu, politika industrijali bi rwol ta’ tmexxija għandha wkoll ir-riskju li jintagħżel ir-rebbieħ b’mod żbaljat (li r-rebbieħ jiġi determinat minn qabel). Madankollu, il-Kumitat jilqa’ l-approċċ il-ġdid li jkopri l-katina tal-valur industrijali kollha kemm hi (l-approċċ tal-katina tal-valur). Il-politika industrijali bbażata fuq il-metodoloġija tal-katina tal-valur hija wkoll ferm aktar adattata għall-“ħsieb ċirkolari” mill-approċċ settorjali l-antik tal-industrija. Madankollu, l-approċċ tal-katina tal-valur jeħtieġ ukoll politika oħra aktar xierqa li tkun, pereżempju, adattata għall-politika dwar l-għajnuna mill-Istat. Issa li l-industrija tal-produzzjoni tal-batteriji qiegħda quddiem nett fil-politika industrijali tal-UE, il-Kummissjoni ser ikollha bżonn ukoll tadotta approċċ flessibbli u mhux rigoruż għall-għajnuna għall-investiment li l-Istati Membri jagħtu lin-negozji f’dawn il-katini. Meta l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-IPCEI (“Proġett Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni”) jiġu applikati b’mod flessibbli, l-industrija Ewropea tista’ tiġi megħjuna permezz ta’ finanzjament pubbliku sostanzjali. Sa ċertu punt, dan il-finanzjament jista’ joqrob lejn il-livelli ta’ appoġġ li n-negozji Asjatiċi jirċievu mill-gvernijiet tagħhom. Il-KESE jilqa’ din l-applikazzjoni l-ġdida tal-istrument IPCEI.

4.3.

Madankollu tqum il-kwistjoni dwar jekk il-politika stipulata fil-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika tistax tkun tard wisq biex tnaqqas id-distakk enormi fir-rigward tal-pajjiżi Asjatiċi u n-negozji tagħhom. Għandu jiġi mistoqsi wkoll jekk ir-riżorsi finanzjarji użati humiex biżżejjed. Fi kliem aktar sempliċi, qegħdin nagħmlu “ftit wisq tard ħafna? (9)” Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri indikat it-tħassib tagħha f’dokument informattiv u analitiku li ppubblikat dan l-aħħar: “Madankollu, hemm ir-riskju li l-miżuri li ttieħdu sa issa mhumiex se jkunu biżżejjed biex jinkisbu l-objettivi strateġiċi tal-UE għall-enerġija nadifa”. Għandu jiġi nnotat madankollu, li r-rwol tal-Kummissjoni huwa limitat, bħalma huma r-riżorsi finanzjarji għad-dispożizzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha raġun tkun xi ftit distanti. Ir-rwol tagħha huwa dak ta’ tqabbil. Huwa primarjament f’idejn l-Istati Membri, in-negozji Ewropej u l-istituzzjonijiet tar-riċerka biex jilqgħu din l-isfida. Għalhekk jintlaqa’ tajjeb ħafna li l-gvernijiet ta’ Franza u tal-Ġermanja fil-bidu ta’ Mejju 2019 iddeċiedew li kull wieħed ipoġġi madwar EUR 1 biljun disponibbli biex jiġu appoġġjati inizjattivi mill-komunitajiet tan-negozju tagħhom biex jiżviluppaw industrija tal-produzzjoni tal-batteriji. Din hija waħda mill-ewwel eżiti prattiċi ħafna tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji mnedija mill-Kummissjoni, fejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u n-negozju jaħdmu flimkien.

4.4.

Fil-fehma tal-KESE, għadu kmieni wisq biex jinsiltu xi konklużjonijiet finali, daqshekk kmieni wara li ġie adottat il-pjan ta’ azzjoni għall-batteriji. Il-KESE jilqa’ l-għadd kbir ta’ inizjattivi mnedija jew żviluppati minn għadd ta’ partijiet interessati. Ir-riżultati ser (għandhom) jibdew jidhru fis-snin li ġejjin. L-iżvilupp teknoloġiku fl-UE u lil hinn minnha qatt ma jieqaf. Dan il-proċess dinamiku jfisser li l-istrateġija tal-batteriji mhijiex inizjattiva ta’ darba iżda teħtieġ approċċ strutturali fil-politiki tal-UE. Dan ifisser ukoll li l-investimenti f’mezzi ta’ produzzjoni issa meħtieġa mill-Istati Membri għandhom perjodu ta’ rkupru tal-kost (20 sa 30 snin mhumiex eċċezzjoni).

4.5.

Il-kwistjoni hija wkoll jekk l-UE hijiex kapaċi wkoll tibni settur kompetittiv għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-batteriji minħabba li l-materja prima meħtieġa mhijiex disponibbli fil-kwantitajiet neċessarji fi dan l-UE. Għalkemm qed jiġu żviluppati inizjattivi biex jiġi estratt il-litju f’xi Stati Membri tal-UE, pereżempju (inkluż il-ftuħ mill-ġdid ta’ minjieri abbandunati), jidher li huwa illużjoni li l-UE ser tkun kapaċi ssir kompletament awtosuffiċjenti. Barra minn hekk, il-popolazzjoni Ewropea għandha riżervi serji dwar l-estrazzjoni u, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, japplika wkoll hawnhekk il-prinċipju NIMBY (not in my back yard — mhux wara biebi). L-effetti pożittivi għall-komunitajiet lokali tal-estrazzjoni ta’ materja prima li hi soċjalment u ambjentalment konxja jistħoqqilhom li jintwerew lill-popolazzjoni. Huwa evidenti wkoll li “s-sjieda lokali” — jiġifieri l-involviment tal-popolazzjoni lokali, f’termini finanzjarji u oħrajn — tista’ tevita sitwazzjoni fejn teżisti tali reżistenza għal dawn l-attivitajiet li ma jkunux jistgħu jibdew jaħdmu.

4.6.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-materja prima, il-KESE jenfasizza li huwa importanti li l-partijiet kollha involuti jżidu l-isforzi tar-riċerka u l-iżvilupp biex jiżviluppaw tipi ġodda ta’ batteriji, bħall-batteriji fi stat solidu, li jnaqqsu b’mod sinifikanti d-dipendenza fuq din il-materja prima.

4.7.

Kemm huwa realistiku li wieħed jistenna, kif jidher li taħseb il-Kummissjoni, li fl-UE ser jitfaċċaw minn 10 sa 20 produttur kbir? L-investituri fit-tul fis-swieq kapitali huma lesti biżżejjed biex jinvestu madwar l-EUR 10 biljun meħtieġa? Filwaqt li japprezza l-prijoritajiet stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni, il-Kumitat xorta jqisha diżappunt li ma saret l-ebda referenza għall-kwistjoni ta’ aċċess għall-kapital meħtieġ għal dawn l-investimenti kbar. Il-finanzjament bankarju waħdu huwa kompletament insuffiċjenti. Is-swieq tal-kapital, u b’mod partikolari l-fondi ta’ infrastruttura, jeħtieġ li jkunu lesti li jinvestu f’dawn il-proġetti billi jużaw il-kapital ta’ riskju (10). Dan jeħtieġ politika fit-tul, ritorni adegwati u appoġġ sottostanti mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-partijiet iridu jieqfu jħarsu lejn xulxin; il-gvern jista’ jaqdi rwol hawnhekk ta’ xprun ta’ proċess ta’ investiment. L-inizjattivi ta’ Franza u l-Ġermanja juru li dawn il-pajjiżi jinsabu konxji ta’ dan. Il-Pjattaforma ta’ Investiment li tnediet dan l-aħħar mal-InnoEnergy tal-EIT bħala “mutur/aċċeleratur” tista’ wkoll, fil-fehma tal-KESE, tkun ta’ valur kbir biex tlaqqa’ flimkien l-investituri u l-promoturi.

4.8.

Fl-istess ħin, ser ikunu meħtieġa kampanji ta’ informazzjoni mmirati biex il-konsumaturi Ewropej jiġu infurmati li meta jixtru batteriji prodotti fl-Ewropa, fejn jitqiesu l-istandards ta’ sikurezza tal-bniedem u tal-ambjent, dan fih iktar vantaġġi minn meta jixtru batteriji minn pajjiżi terzi, fejn dawn l-istandards u l-valuri mhumiex rispettati bl-istess mod. Li nkomplu mexjin kif qed nagħmlu bħalissa huwa mod permanenti kif jiġu esportati l-problemi ambjentali tagħna.

4.9.

Il-KESE jemmen li hemm bżonn aktar inizjattivi prattiċi biex jiġi żviluppat riċiklaġġ materjali mill-batteriji l-qodma. L-hekk imsejħa “estrazzjoni minerarja urbana” tista’ tagħti kontribut sostanzjali għall-provvista tal-materja prima meħtieġa. Hemm potenzjal sinifikanti għar-riċiklaġġ fil-ġejjieni tal-mina urbana sakemm l-inċentivi ekonomiċi, l-ammonti ta’ ġbir, it-teknoloġiji ta’ rkupru u, fl-aħħar mill-aħħar, ir-rati ta’ riċiklaġġ jitjiebu. Ir-rapport reċenti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tad-Direttiva dwar il-Batteriji sfortunatament juri li l-ġbir ta’ batteriji konvenzjonali għadu ma laħaqx il-livell mixtieq. Madwar 57 % ta’ dawn il-batteriji għadhom mhumiex riċiklati. Huwa għalhekk xieraq li l-Kummissjoni, kif indikat fir-rapport konċiż iżda effettiv ħafna tagħha, qed tikkunsidra tadatta d-Direttiva tal-2006, mhux l-inqas minħabba li ħarġu batteriji ġodda, bħal dawk immirati mill-pjan ta’ azzjoni. Il-Kumitat jistenna dawn il-proposti b’interess kbir. Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota li l-faċilitajiet tal-ipproċessar tal-batteriji attwali ser ikollhom jiġu adattati mill-ġdid fid-dawl tal-flussi kbar ta’ tipi ġodda ta’ batteriji fil-futur qrib. Trid tiġi żviluppata wkoll teknoloġija ġdida għar-riċiklaġġ jew l-ipproċessar; il-KESE jemmen li r-riċerka u l-iżvilupp immirati f’dan il-qasam speċifiku jeħtieġu l-appoġġ sħiħ tal-UE, peress li dan jgħin itejjeb l-ambjent fejn ngħixu u jista’ jnaqqas ħafna d-dipendenza fuq il-materja prima minn barra l-UE.

4.10.

Il-Kumitat jixtieq jara wkoll riċerka mmirata lejn l-irkupru ta’ materjali minn munzelli ta’ skart residwali tal-faħam u l-azzar u tipi oħra ta’ metalli estratti. M’għandux jiġi eskluż li dawn is-sorsi jistgħu jgħinu wkoll biex tiġi ssodisfata l-ħtieġa għal materja prima. Il-KESE jilqa’ r-rapport ippubblikat reċentement miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-irkupru ta’ materja prima kritika mill-iskart tal-minjieri u l-miżbliet (11) u jitlob li jiġi żgurat appoġġ politiku għall-istudju u l-analiżi tal-kwistjoni tal-materja prima kritika, peress li l-“ġlieda globali għall-materja prima” qed issir aktar serja.

4.11.

Il-qafas regolatorju sa liema punt jikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-riċerka u l-iżvilupp meħtieġa fl-UE u għall-applikazzjoni tat-teknoloġija prodotta b’riżultat ta’ dan? Il-Kummissjoni għandha tendenza naturali li tikkunsidra liġijiet u regolamenti. Wara kollox, dawn huma l-għodod ta’ tmexxija disponibbli għaliha. Iżda jista’ jkun aħjar li jiġu mmonitorjati u analizzati l-iżviluppi fis-suq, flimkien mal-industrija u l-imsieħba soċjali, qabel ma jibda jintuża l-istrument tar-Regolament. L-ewwel għandu jkun hemm tnedija, promozzjoni u produzzjoni u, biss wara li tkun twettqet analiżi bir-reqqa, għandu jkun hemm regolament — dan jidher li huwa approċċ ta’ politika aktar mixtieq għal dan is-settur prekarju.

4.12.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżgura li s-sejħiet għall-offerti jitfasslu b’mod ġenwin għan-negozji tal-UE li ta’ spiss ikunu ta’ daqs żgħir, sabiex dawn il-produtturi ta’ daqs medju ma jitilfux il-finanzjament minħabba l-fatt li r-riċerka u l-iżvilupp tagħhom fuq skala żgħira ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għad-daqs tal-proġetti fis-sejħiet għall-offerti. Madankollu, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni fasslet l-offerti b’mod ġdid u aktar konġunt, li jagħmilhom aktar aċċessibbli għan-negozji tal-UE.

4.13.

Il-Kumitat iqis importanti li l-finanzjament tal-UE jkun disponibbli wkoll għal proġetti li ġew żviluppati minn kumpaniji Ewropej ta’ daqs medju tal-produzzjoni tal-batteriji u li diġà għaddew minn żvilupp teknoloġiku sinifikanti (Livell ta’ Tħejjija Teknoloġika 5 sa 9). Dan il-grupp ta’ kumpaniji, li huwa aktar iffukat fuq li jidħlu fis-suq milli fuq ir-riċerka bażika, xorta waħda jidher li huwa eċċessivament eskluż mill-fondi tal-UE. B’mod partikolari għal dan il-grupp, l-aċċess għas-sussidji tal-UE għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema ser ikollu jitfassal b’mod sempliċi.

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  COM(2018) 293 final

(2)  Il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija jammontaw għal 79 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE, dokument informattiv u analitiku tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, 1 ta’ April 2019 dwar Appoġġ tal-UE għall-ħżin tal-enerġija.

(3)  Minkejja li l-enfasi primarja hija fuq il-karozzi, m’għandniex ninsew li qed isiru wkoll żviluppi biex jiġu prodotti bastimenti li jaħdmu bl-elettriku (pereżempju laneċ żgħar).

(4)  Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-ħżin tal-enerġija: fattur fl-integrazzjoni u s-sikurezza tal-enerġija” (ĠU C 383, 17.11.2015, p.19).

(5)  Fi Flanders twaqqaf proġett interessanti msejjaħ “WaterstofNet”: raggruppament ta’ produtturi (riħ u fotovoltajku), teknoloġija bl-idroġenu (elettroliżi u kumpressjoni) u utenti finali fis-setturi tal-kimika u t-trasport.

(6)  Fin-Norveġja, pereżempju, huwa mistenni li għall-ewwel darba din is-sena (2019) ser jinbiegħu aktar karozzi elettriċi milli karozzi tradizzjonali b’magni tal-kombustjoni. Fi ħdan dan il-grupp ta’ vetturi elettriċi, marka magħrufa sew tal-karozzi tal-Istati Uniti tforni l-maġġoranza ta’ dawk il-vetturi elettriċi.

(7)  Il-Gvern Ċiniż stabbilixxa għalih innifsu l-mira li, mill-2025, il-vetturi elettriċi għandhom jammontaw għal 20 % tal-karozzi ġodda kollha mibjugħa.

(8)  Opinjoni tal-KESE “Ewropa attiva” (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 254).

(9)  Ara wkoll id-dokument informattiv u analitiku tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-1 ta’ April 2019 dwar Appoġġ tal-UE għall-ħżin tal-enerġija.

(10)  Fit-2 ta’ Mejju 2019, Tesla ħabbret li, għalkemm kienet irreġistrat telf ta’ aktar minn USD 700 miljun fl-ewwel tliet xhur tal-2019, il-kumpanija tixtieq tiġbor USD 2 biljun mis-suq tal-kapital għal impjant ġdid tal-batteriji u l-iżvilupp ta’ tip ġdid ta’ karozza elettrika. Is-suq tal-kapital Amerikan faċilment jista’ jagħmel investimenti bħal dawn fil-forma ta’ ishma u/jew bonds. Tqum il-mistoqsija dwar jekk is-suq tal-kapital frammentat tal-UE jistax iqabbel dan.

(11)  Recovery of critical and other raw materials from mining waste and landfills: State of play on existing practices, (L-irkupru ta’ materja prima kritika u oħra mill-iskart tal-minjieri u l-miżbliet: Is-sitwazzjoni attwali dwar il-prattiki eżistenti) EUR 29744 EN, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2019, ISBN 978-92-76-03391-2, doi:10.2760/494020, JRC116131 (mhux disponibbli bil-Malti).