ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 343

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 62
10 ta' Ottubru 2019


Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

2019/C 343/01

Rapport tal-attività tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF — 2018

1


MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

10.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 343/1


RAPPORT TAL-ATTIVITÀ TAL-KUMITAT TA’ SORVELJANZA TAL-OLAF — 2018

(2019/C 343/01)

Il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

 

Mr Jan MULDER

President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

Membru tal-Kumitat mit-23 ta’ Jannar 2017, President mill-1 ta’ Marzu 2017

Eks Membru tal-Parlament Ewropew, in-Netherlands.

 

Ms Maria Helena FAZENDA

Membru tal-Kumitat mit-23 ta’ Jannar 2017

Segretarja Ġenerali tas-Sistema tas-Sigurtà Interna, il-Portugall.

Prosekutur pubbliku.

 

Mr Petr KLEMENT

Membru tal-Kumitat mit-23 ta’ Jannar 2017

Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, iċ-Ċekja.

Prosekutur pubbliku.

 

Ms Grażyna STRONIKOWSKA

Membru tal-Kumitat mit-13 ta’ Lulju 2016

Uffiċċju tal-Prosekutur Nazzjonali, Warsaw, il-Polonja.

Prosekutur pubbliku.

 

Mr Rafael MUÑOZ LÓPEZ-CARMONA

Membru tal-Kumitat mil-1 ta’ Diċembru 2017

Kap tal-Unità ta’ Appoġġ tal-Kontrollur Ġenerali tal-Istat fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali Kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata, Spanja.

Awditur, avukat, ekonomista.

DAĦLA MILL-PRESIDENT TAL-KUMITAT TA’ SORVELJANZA TAL-OLAF

Is-sena 2018 kienet sena ta’ bidliet kbar għall-OLAF; inħatar Direttur Ġenerali ġdid. Fil-proċedura tal-ħatra, il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF aġixxa bħala osservatur u fl-aħħar ta l-approvazzjoni tiegħu għall-proċedura segwita. Il-Kumitat ta’ Sorveljanza jistenna bil-ħerqa kooperazzjoni produttiva u huwa impenjat bis-sħiħ li jassisti lill-OLAF fil-ġlieda kruċjali tiegħu kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-attivitajiet irregolari għall-ħsara tal-interessi finanzjarji tal-UE. Il-Kumitat ta’ Sorveljanza huwa grat għall-kooperazzjoni tajba mas-Sur Nick Ilett, l-aġent Direttur Ġenerali matul parti kbira tas-sena.

Kien hemm ukoll xi bidliet sinifikanti fis-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza. Il-kariga ta’ Kap tas-Segretarjat bħalissa hija vakanti. Il-ħidma tas-Segretarjat kompliet ma tjibitx minħabba assenzi twal ta’ membri tal-persunal. Ma kienx possibbli li jinstabu sostituzzjonijiet temporanji. Dan kollu wassal biex il-produzzjoni kienet inqas minn dik maħsuba fil-bidu tas-sena.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza ltaqa’ kull xahar kif meħtieġ mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), peress li huwa prijorità li jżomm kuntatti regolari mal-istituzzjonijiet tal-UE u l-imsieħba u l-partijiet interessati tal-OLAF. F’kull laqgħa, uffiċjali tal-OLAF, inkluż id-Direttur Ġenerali, ġew mistiedna wkoll u saru skambji ta’ opinjonijiet dwar kwistjonijiet topiċi. Il-Kumitat ta’ Sorveljanza ħa wkoll interess qawwi fl-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE). Il-Kumitat ġie infurmat dwar l-iżviluppi tal-OLAF f’kull laqgħa.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza ta ħafna attenzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi rivedut ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, ir-Regolament li fuqu huwa bbażat il-funzjonament tal-OLAF. Saru għadd ta’ suġġerimenti dwar kif il-prestazzjoni tal-OLAF tista’ tittejjeb fl-għajnejn esperti tal-Kumitat ta’ Sorveljanza. Aktar informazzjoni dwar it-titjib propost mill-Kumitat ta’ Sorveljanza jista’ jinqara f’dan ir-rapport annwali.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza ffoka wkoll fuq il-formalizzazzjoni ta’ ftehimiet ġodda mal-OLAF dwar kif jirrapporta lill-Kumitat dwar żewġ kwistjonijiet meħtieġa mir-Regolament. Dawn huma: ir-rappurtar dwar ir-rispett tal-garanziji proċedurali u r-rappurtar lill-Kumitat ta’ Sorveljanza meta l-investigazzjonijiet idumu aktar minn tnax-il xahar. Maż-żmien issir analiżi ta’ dawk u wieħed jara jekk humiex sodisfaċenti.

Għamilna żjara lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex nakkwistaw għarfien dwar l-attivitajiet tagħha dwar il-kontroll tal-frodi. Dawn iż-żjarat ħallew il-frott. Qed nesploraw possibbiltajiet li naslu għal kooperazzjoni aktar mill-qrib u dan jista’ jirriżulta f’li rappreżentant tal-persunal tal-Qorti jiġi stazzjonat temporanjament fis-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza.

Nittamaw li sal-mument li niktbu r-rapport annwali li jmiss, is-Segretarjat se jkollu persunal sħiħ u li l-ambizzjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza li jippubblika għadd ta’ opinjonijiet li jagħmluha possibbli li jkun hemm kontroll aħjar tal-frodi fl-Unjoni Ewropea se jkun jidher li hu realistiku. Bħal qabel, il-Kumitat ta’ Sorveljanza jistinka biex jasal għal kooperazzjoni produttiva mal-OLAF billi jkun kritiku iżda kostruttiv.

B’mod partikolari nixtieq nirringrazzja lis-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għall-ħidma tiegħu matul il-perjodu minkejja ċ-ċirkustanzi diffiċli.

Jan MULDER

Il-President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

WERREJ

STQARRIJA TAL-MISSJONI 4
IL-QAFAS LEGALI LI FIH JOPERA L-OLAF: KONTRIBUT GĦAR-RIFLESSJONI DWAR IR-RIFORMA TAL-OLAF 4
MONITORAĠĠ TAR-RIŻORSI TAL-OLAF 6
MONITORAĠĠ FUQ INIZJATTIVA TAL-KUMITAT TA’ SORVELVANZA: AĊĊESS GĦALL-INFORMAZZJONI GĦALL-FUNZJONIJIET SUPERVIŻORJI 9
MONITORAĠĠ TAL-PERJODU TA’ INVESTIGAZZJONIJIET TAL-OLAF 10

KUMMENTI ĠENERALI

11

L-ANALIŻI TAL-KUMITAT TA’ 484 RAPPORT GĦAL INVESTIGAZZJONIJIET LI DAMU AKTAR MINN 12-IL XAHAR

11

KONKLUŻJONIJIET FINALI

13
KAŻIJIET LI JEĦTIEĠU LI L-INFORMAZZJONI TINTBAGĦAT LILL-AWTORITAJIET ĠUDIZZJARJI NAZZJONALI 14
KAŻIJIET FEJN IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-OLAF MA ĠEWX SEGWITI MILL-AWTORITAJIET RILEVANTI 14
MONITORAĠĠ TAL-IŻVILUPPI RIGWARD L-APPLIKAZZJONI TAL-GARANZIJI PROĊEDURALI 16
VALUTAZZJONI TAL-PRIJORITAJIET TA’ POLITIKA TA’ INVESTIGAZZJONI TAL-OLAF U TAL-LINJI GWIDA DWAR L-INVESTIGAZZJONI 16
RELAZZJONIJIET MAL-OLAF, MAL-ISTITUZZJONIJIET TAL-UE, MAL-IMSIEĦBA TAL-OLAF U MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI 18

LAQGĦAT MA’ ISTITUZZJONIJIET, KORPI U AĠENZIJI OĦRA TAL-UE

18
IL-GOVERNANZA TAL-KUMITAT TA’ SORVELJANZA TAL-OLAF 18

IS-SEGRETARJAT TAL-KUMITAT TA’ SORVELJANZA, IL-METODI TA’ ĦIDMA U L-KWISTJONIJIET BAĠITARJI

18

STQARRIJA TAL-MISSJONI

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013:

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jimmonitorja regolarment l-implimentazzjoni mill-Uffiċċju tal-funzjoni investigativa tiegħu, sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-Uffiċċju fit-twettiq tajjeb tal-kompetenzi mogħtija lilu permezz ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu b’mod partikolari jimmonitorja l-iżviluppi dwar l-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali u t-tul tal-investigazzjonijiet fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mid-Direttur Ġenerali f’konformità mal-Artikolu 7(8).

1.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza ġie stabbilit biex isaħħaħ u jiggarantixxi l-indipendenza tal-OLAF permezz ta’ monitoraġġ regolari tal-funzjoni investigativa tiegħu u biex jassisti lid-Direttur Ġenerali fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tiegħu. Huwa impenjat bis-sħiħ għal dan il-mandat. Il-Kumitat jinterpreta wkoll ir-rwol tiegħu li jassisti lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF b’mod li jippermetti lill-OLAF itejjeb l-effikaċja tiegħu bħala korp investigativ tal-UE rigoruż u imparzjali, kompletament indipendenti minn pressjoni u interferenza esterna mhux xierqa. Din is-sena hija wkoll l-għoxrin anniversarju tal-OLAF li huwa opportunità biex nirriflettu dwar kif l-Uffiċċju ssodisfa r-rwol tiegħu u kif beħsiebu jimxi ’l quddiem, b’mod partikolari bl-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u r-reati kriminali li jaffettwaw il-baġit tal-UE. Il-Kumitat huwa lest li jappoġġja lill-OLAF fl-isforzi tiegħu biex itejjeb il-kwalità tal-ħidma tiegħu u biex ikollu rwol ewlieni fil-qasam Ewropew tal-ġustizzja li fih l-assistenza tal-OLAF lil, appoġġ għal u kooperazzjoni mal-UPPE se jkunu ta’ importanza fundamentali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

2.

Il-Kumitat jipprovdi lid-Direttur Ġenerali u lill-istituzzjonijiet b’opinjonijiet u rapporti dwar l-investigazzjonijiet tal-OLAF mingħajr indħil fit-tmexxija ta’ investigazzjonijiet li għaddejjin. Il-monitoraġġ regolari tal-investigazzjonijiet tal-OLAF huwa l-aħjar metodu sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tiegħu u l-Kumitat kien involut ħafna matul dan il-perjodu fl-istabbiliment ta’ bażi ta’ ħidma solida mad-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-OLAF kif ukoll fit-titjib tal-kwalità tal-informazzjoni mibgħuta lilu mill-OLAF fuq bażi regolari; dan japplika b’mod partikolari għall-informazzjoni li tinsab fir-rapporti dwar investigazzjonijiet li jdumu aktar minn tnax-il xahar, informazzjoni dwar ilmenti individwali kontra l-investigazzjonijiet tal-OLAF, u l-informazzjoni dwar dawk ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF li ma ġewx segwiti mill-awtoritajiet rilevanti. Il-Kumitat jipparteċipa b’mod attiv fl-iskambju interistituzzjonali annwali ta’ fehmiet dwar il-prestazzjoni tal-OLAF, filwaqt li b’mod konsistenti jżomm il-pożizzjoni tiegħu li jistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika ta’ investigazzjoni f’konformità mal-oqsma ewlenin tan-nefqa tal-baġit tal-UE.

3.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza huwa responsabbli lejn l-istituzzjonijiet li ħatru l-membri tiegħu u r-rapport ta’ attività tas-sena li għaddiet ġie diskuss mal-Kummissarju għall-Baġit u r-Riżorsi Umani, is-Sur Oettinger; is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, is-Sur Selmayr; il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew (CONT); Il-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill kontra l-frodi matul il-Presidenza Awstrijaka; il-Qorti tal-Awdituri u l-Ombudsman Ewropew. Peress li huma konxju mill-importanza tal-emendi għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-OLAF biex jakkomodaw il-mandat tal-OLAF għall-ħtiġijiet tal-UPPE, il-membri tal-Kumitat rriflettew b’mod profond dwar din il-kwistjoni u taw il-kontribut tagħhom f’rapport li ntbagħat lill-istituzzjonijiet f’Novembru 2018, b’suġġerimenti speċifiċi għal ħafna dispożizzjonijiet legali. Il-Kumitat jinsab gratifikat mill-feedback pożittiv li rċieva mill-Kumitat CONT tal-Parlament Ewropew.

4.

Il-Kumitat organizza ħdax-il laqgħa plenarja (2) u ssokta bil-prattika li jistieden lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF u l-persunal tiegħu għal-laqgħat tiegħu, biex jiddiskutu u jkunu infurmati dwar kull kwistjoni rilevanti għall-ħidma tal-Kumitat u tal-OLAF. Il-Kumitat stenna bil-ħerqa li jagħmel ħidma kostruttiva mal-OLAF u li jgħin lill-Uffiċċju jtejjeb il-prestazzjoni u l-effiċjenza tiegħu. Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-Kumitat ħatar relaturi biex jaħdmu fuq u jsegwu oqsma speċifiċi tal-pjan ta’ ħidma tiegħu. Dawn ir-relaturi ħadmu f’kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarjat biex ifasslu abbozzi ta’ opinjonijiet u rapporti li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat.

IL-QAFAS LEGALI LI FIH JOPERA L-OLAF: KONTRIBUT GĦAR-RIFLESSJONI DWAR IR-RIFORMA TAL-OLAF

5.

Ir-riforma tal-bażi legali għall-OLAF, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, kienet is-suġġett ta’ dibattitu intensiv matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport. Il-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament tal-OLAF fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF wasslet għall-approvazzjoni tar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019 (3). Filwaqt li huwa konxju tal-importanza ta’ din ir-riforma u wara talba li saret mill-Parlament, il-Kumitat fittex li jkollu rwol attiv u kostruttiv fid-dibattitu billi jidher quddiem il-Kumitat CONT tal-Parlament u billi jressaq suġġerimenti bil-miktub lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament dwar ir-relazzjonijiet futuri tal-OLAF mal-UPPE, l-aċċess għall-informazzjoni u r-relazzjonijiet ta’ ħidma tal-OLAF mal-Kumitat skont ir-Regolament il-ġdid (4). Il-kummenti tal-Kumitat dwar dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta emendatorja kienu ggwidati mill-prinċipji ta’ twettiq imparzjali tal-investigazzjonijiet, ċertezza legali, trasparenza u responsabbiltà, li l-OLAF għandu jonora kollha.

6.

F’konformità mal-kontenut tal-Opinjoni tiegħu Nru 2/2017 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-OLAF (5), il-Kumitat identifika xi stadji ewlenin li jeħtieġu kjarifika fl-implimentazzjoni tal-funzjoni investigativa. Il-Kumitat enfasizza li l-monitoraġġ regolari tal-investigazzjonijiet irid jiġi ppreservat bħala l-aħjar metodu li jiggarantixxi l-indipendenza tal-OLAF u li huwa meħtieġ li jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikun jista’ jissodisfa l-mandat tiegħu. Il-Kumitat huwa korp indipendenti uniku b’mandat b’saħħtu ħafna li jeħtieġ mezzi xierqa biex jeżerċita l-awtorità tiegħu. Huwa sodisfatt li r-riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament fetħet il-possibbiltà li s-Segretarjat tal-Kumitat ikun jinsab fl-aktar post xieraq biex jassisti l-Kumitat b’mod effettiv fid-dmir tiegħu ta’ monitoraġġ (6).

7.

Il-Kumitat huwa mħeġġeġ li r-riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament żammet ħafna mis-suġġerimenti tal-Kumitat inklużi dawk dwar it-tisħiħ tal-indipendenza tal-OLAF u l-implimentazzjoni xierqa tal-funzjoni investigativa tiegħu (7). Dawn jinkludu:

(i)

Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF għandu jinforma perjodikament lill-Kumitat dwar il-każijiet li fihom ikun iddeċieda li ma jiftaħx investigazzjoni, u jindika r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni — fl-interess tat-trasparenza u l-evalwazzjoni imparzjali tal-allegazzjonijiet li l-OLAF irċieva;

(ii)

L-OLAF għandu jipprovdi informazzjoni dettaljata fir-rapporti li jibgħat lill-Kumitat dwar investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin fuq perjodu ta’ tnax-il xahar — fl-interess li tissaħħaħ l-indipendenza tal-OLAF u jiġi rispettat id-dritt għal amministrazzjoni tajba;

(iii)

il-Kumitat għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni u d-dokumenti kollha li jqis meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tiegħu — biex jiżgura sistema soda ta’ monitoraġġ biex tissaħħaħ l-indipendenza tal-OLAF;

(iv)

huwa d-dmir tal-OLAF li jabbozza rakkomandazzjonijiet li jakkumpanjaw ir-rapport tal-investigazzjoni mfassal taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali dwar it-tlestija tal-investigazzjonijiet — fl-interess taċ-ċertezza legali, l-indipendenza u s-sejbiet tal-investigazzjoni imparzjali; kif ukoll

(v)

il-Kummissjoni hija meħtieġa tikkonsulta lill-Kumitat qabel ma timponi kwalunkwe sanzjoni dixxiplinari fuq id-Direttur Ġenerali jew qabel ma tneħħi l-immunità tiegħu — biex tissalvagwardja l-indipendenza tad-Direttur Ġenerali.

8.

Il-Kumitat ta attenzjoni partikolari lir-relazzjonijiet futuri bejn l-OLAF u l-UPPE, peress li huwa f’pożizzjoni ideali biex jgħin biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu fuq bażi kontinwa bejniethom fil-bini tar-relazzjoni ta’ ħidma tagħhom. Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-integrazzjoni ta’ wħud mis-suġġerimenti legali tagħhom f’dan il-qasam fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament, b’mod partikolari:

(i)

L-OLAF għandu jinforma lill-Istituzzjonijiet, il-Korpi, l-Uffiċċji u l-Aġenziji rilevanti (IBOAs) wara evalwazzjoni preliminari tal-allegazzjonijiet irrappurtati lilhom sakemm dan ma jkunx ta’ detriment għall-investigazzjonijiet (8);

(ii)

L-OLAF għandu jwaqqaf investigazzjoni li tkun għaddejja jekk l-UPPE jkun qed iwettaq investigazzjoni dwar l-istess fatti u għandu jżomm lura milli jwettaq ċerti atti jew miżuri fuq talba mill-UPPE (9);

(iii)

fuq talba tal-UPPE, l-OLAF għandu japplika standards ogħla fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, il-garanziji proċedurali u l-protezzjoni tad-data biex tiġi protetta l-ammissibbiltà tal-evidenza meta l-OLAF iwettaq miżuri ta’ appoġġ jew miżuri komplementari (10); kif ukoll

(iv)

il-Kumitat għandu responsabbiltà ġdida: biex iwassal opinjoni qabel ma jiġu adottati l-arranġamenti ta’ ħidma bejn l-OLAF u l-UPPE (11).

MONITORAĠĠ TAR-RIŻORSI TAL-OLAF

Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE tat-28 ta’ April 1999 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, kif emendata bid-Deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2013, 2013/478/UE:

2.   Id-Direttur-Ġenerali, wara li jikkonsulta l-Kumitat ta’ Superviżjoni, jibgħat lid-Direttur Ġenerali tal-Baġit abbozz preliminari tal-baġit li għandu jiddaħħal fl-anness li jikkonċerna l-Uffiċċju tat-taqsima tal-Kummissjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 12(1) it-tielet paragrafu tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013:

“Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jindirizza opinjonijiet lid-Direttur Ġenerali, inkluż meta xieraq, rakkomandazzjonijiet dwar fost l-oħrajn ir-riżorsi meħtieġa biex titwettaq il-funzjoni investigativa tal-Uffiċċju […]”

9.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza jikkunsidra l-mandat tiegħu li jiżgura li l-baġit tal-OLAF u l-politika tar-riżorsi umani jippermettu lill-Uffiċċju jeżerċita s-setgħat tiegħu b’mod effiċjenti. Il-Kumitat huwa konxju li l-indipendenza baġitarja tal-OLAF għandha impatt dirett fuq l-investigazzjonijiet u l-operazzjonijiet. Għalhekk iqis li baġit xieraq u strateġija komprensiva tar-riżorsi umani għandhom ikunu fost l-ewwel prijoritajiet tad-Direttur Ġenerali l-ġdid.

10.

Il-Kumitat irrikonoxxa li l-abbozz ta’ baġit tal-Kummissjoni kien soġġett għal miżuri ta’ ffrankar u nnota li ż-żieda annwali fil-baġit tnaqqset b’mod konsistenti għal punt fejn kien hemm żieda ta’ kważi żero. Huwa ddikjara l-fehmiet tiegħu li dan it-tnaqqis ma għandux ikollu effetti detrimentali għall-ġlieda kontra l-frodi jew l-attivitajiet irregolari li jikkawżaw ħsara għall-interessi finanzjarji tal-UE. Minflok, il-Kumitat iqis mhux biss li l-OLAF għandu jinħeles mill-miżuri ta’ ffrankar l-aktar restrittivi applikati għal Direttorati Ġenerali oħra tal-Kummissjoni, iżda għandu jibbenefika minn inċentivi li jippermettu li jiġu reklutati persunal bi kwalifiki għolja u speċjalizzati fil-qasam tal-investigazzjonijiet u l-irkupru tal-assi. Dan huwa partikolarment importanti fid-dawl tar-relazzjonijiet ta’ ħidma futuri tal-OLAF mal-UPPE.

11.

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-Kumitat ta’ Sorveljanza ħareġ żewġ opinjonijiet dwar l-abbozz preliminari ta’ baġit tal-OLAF għall-2019 u l-2020 (12) u analizza l-implimentazzjoni tal-baġit tal-OLAF approvat għall-2018. Huwa eżamina l-abbozzi preliminari tal-baġit tal-OLAF għall-2019 u l-2020, u ffoka b’mod partikolari fuq tliet punti:

(i)

l-impatt finanzjarju u operattiv tal-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Kontenut tal-OLAF (OCM), is-sistema tal-bażi ta’ data li fiha informazzjoni relatata ma’ każijiet li tkun ħadet post is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet preċedenti (CMS);

(ii)

L-istrateġija tal-OLAF għar-riżorsi umani, li għaliha l-Kumitat kellu aspettattivi għoljin; kif ukoll

(iii)

l-impatt baġitarju tat-twaqqif tal-UPPE fuq l-OLAF.

(i)   L-impatt finanzjarju u operattiv tal-implimentazzjoni tal-OCM

12.

Il-Ġestjoni tal-KONTENUT tal-OLAF (OCM) hija għodda għall-ġestjoni ta’ każijiet u dokumenti li tintuża biex jitwettqu l-investigazzjonijiet u l-attivitajiet oħra tal-OLAF biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-UE skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013. L-OCM ħadet post is-Sistema l-antika ta’ Ġestjoni tal-Każijiet (CMS). Il-Kumitat ta’ Sorveljanza jemmen li l-OCM għandha tintuża mhux biss bħala sistema ta’ rappurtar ta’ ġestjoni, iżda wkoll bħala għodda ġenwina ta’ operat u ta’ investigazzjoni.

13.

Il-Kumitat kien imħasseb dwar l-ammont ta’ baġit involut fl-implimentazzjoni tas-sistema ta’ bażi tad-data tal-OCM u dwar l-impatt li din is-sistema kellha fuq il-funzjoni investigativa u l-għodod ta’ monitoraġġ tal-OLAF. Il-kost tas-sjieda tas-sistema matul l-2012–2018 kien ta’ EUR 15,3 miljun. L-OLAF informa lill-Kumitat li kien mistenni li mill-2021, il-biċċa l-kbira tal-ispejjeż li kellhom jitħallsu jkunu spejjeż ta’ manutenzjoni, b’żvilupp limitat jekk ikun hemm xi bidliet fil-proċessi tan-negozju tal-OLAF jew fi ħtiġijiet li qed jiżviluppaw (eż. UPPE). L-ispiża totali ta’ sjieda ppjanata tal-OCM għall-perjodu li jmiss 2019–2021 hija ta’ EUR 10,2 miljun. F’opinjonijiet preċedenti l-Kumitat kien enfasizza li informazzjoni u teknoloġija tal-komunikazzjoni (ICT) organizzati tajjeb u aġġornati kien appoġġ meħtieġ għal investigazzjoni ta’ frodi kosteffikaċi.

14.

Fl-Opinjoni tiegħu Nru 1/2018, il-Kumitat irrakkomanda li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) iwettaq verifika tal-problemi ffaċċjati fl-implimentazzjoni tal-OCM, inklużi l-ispejjeż annwali mġarrba mill-2012 fl-implimentazzjoni tal-proġett. Fl-24 ta’ Jannar 2019, ir-relatur tal-Kumitat responsabbli mill-monitoraġġ tar-riżorsi tal-OLAF talab rapport sħiħ minn għand l-OLAF dwar it-tqassim tal-ispejjeż tal-proġett tal-OCM sa mill-bidu tiegħu. Dan mistenni fil-futur qrib.

15.

F’rapport annwali preċedenti l-Kumitat iddeskriva l-esperjenzi tiegħu stess u dawk tal-persunal tal-OLAF dwar in-nuqqasijiet tal-OCM u enfasizza l-aċċess limitat għall-informazzjoni tal-OLAD relatata mal-każijiet bħala kwistjoni urġenti (13). Huwa ġibed l-attenzjoni għall-problemi tal-migrazzjoni tad-dokumenti mis-sistema preċedenti (CMS) u għall-fatt li l-bażi ta’ data tal-OCM ma kellha l-ebda karatteristika adattata għall-ħtiġijiet tal-Kumitat għal każijiet ta’ monitoraġġ u xejriet sistemiċi fid-data operattiva tal-OLAF. Il-Kumitat esprima tħassib dwar l-adattament tal-OCM għall-ħtiġijiet investigativi tal-OLAF li jistgħu jaffettwaw ħażin il-ħidma ta’ kuljum tal-investigaturi tal-OLAF. In-nuqqas ta’ aċċess u n-nuqqasijiet tas-sistema affettwaw b’mod negattiv is-superviżjoni tal-Kumitat dwar il-mod kif l-OLAF jimplimenta l-funzjoni investigativa tiegħu.

16.

Il-Kumitat laqa’ b’sodisfazzjon il-preżentazzjoni tal-OLAF, li saret fuq talba tal-Kumitat, dwar l-oriġini tal-proġett OCM u dwar elementi ġodda inkorporati fis-sistema biex titjieb. Minkejja li l-funzjonalitajiet tas-sistema u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-OLAF tjiebu wara l-ħatra tad-Direttur Ġenerali l-ġdid, il-Kumitat iqis li hemm bżonn li jiġi implimentat modulu addizzjonali biex ikun jista’ jikseb u juża faċilment data operazzjonali għall-finijiet ta’ monitoraġġ. Skont l-OLAF, analiżi tal-ħtiġijiet tal-Kumitat kienet ippjanata li tibda f’April 2019, filwaqt li rapporti u tfakkiriet lill-Kumitat huma mistennija li jiġu inklużi fir-rilaxx tal-OCM f’Diċembru 2019. Dashboard tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jiġi żviluppat f’ħarġa oħra tal-OCM fl-2020. Nuqqas ta’ aċċess għall-każijiet tal-OLAF fejn tkun meħtieġa informazzjoni relatata mal-każ dwar l-istadji tal-investigazzjoni, kienet ostakolu serju għall-Kumitat fit-twettiq tad-dmirijietu.

17.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-sistema OCM, il-Kumitat ġie infurmat li d-Diretturi u d-Direttur Ġenerali tal-OLAF, f’Ġunju 2012, kienu approvaw l-iżvilupp tal-ġestjoni tal-kontenut tal-intrapriżi b’funzjonalitajiet integrati, iżda xorta setgħu jiġu adattati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-OLAF. Din id-deċiżjoni segwiet studju mwettaq minn task force interna tal-OLAF imwaqqfa fl-2011, li kkunsidrat diversi alternattivi għall-istabbiliment ta’ sistema ġdida ta’ ġestjoni ta’ każijiet.

18.

Barra minn hekk, l-OLAF spjega li d-deċiżjoni tal-2016 li tniedi l-OCM kienet ittieħdet prinċipalment minħabba n-nuqqasijiet tas-sistema ta’ preċedenti (CMS). Madankollu, l-OCM batiet minn diversi problemi komuni fis-sistemi tal-IT meta bdiet titħaddem għall-ewwel darba. Kien biss aktar tard li ġie ppruvat li d-deċiżjoni li tintuża s-sistema kellha tittardja sakemm tiġi ttestjata aktar bir-reqqa, u s-sistema kienet aktar stabbli minn perspettiva teknika. Skont l-OLAF, il-problemi inizjali tal-OCM kienu paragunabbli ma’ dawk li nstabu f’sistemi oħra tal-IT tal-istess daqs. Pereżempju, talbiet frekwenti għal tibdil li jsiru mill-utenti fi stadju bikri ħafna fil-produzzjoni; kien diffiċli li jinstabu l-esperti fl-IT adatti, minħabba t-teknoloġija speċifika użata; l-utenti ma xtaqux ibiddlu d-drawwiet tax-xogħol tagħhom u jsegwu fluss tax-xogħol strett impost mis-sistema; u ż-żmien kien qasir wisq għal ittestjar bir-reqqa ta’ qabel il-produzzjoni.

19.

L-OLAF iwettaq stħarriġ annwali dwar is-sodisfazzjon tal-IT tal-persunal tiegħu. Fl-2015, il-punteġġi ta’ sodisfazzjoni għas-CMS u THOR kienu ta’ 51 % u 66 % rispettivament. Il-problemi fit-tħaddim tas-sistema l-ġdida u l-istabbiltà u l-veloċità tal-OCM ġew riflessi f’dan il-punteġġ, li naqas għal madwar 6,58 % fl-2016, iżda tjieb fl-2017 u fl-2018 meta laħaq l-14 %. Il-Kumitat jieħu interess kbir f’dawn iċ-ċifri, li huma indikaturi importanti.

20.

Fuq talba tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, l-Uffiċċju tal-Awditjar Intern tal-OLAF (OLAF-IAF) evalwa u ssorvelja mill-qrib il-proġett OCM fl-2015 u fl-2017. Is-servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni awditja s-sigurtà tal-IT fl-2017. Il-Kumitat ta’ Sorveljanza rrakkomanda wkoll lid-Direttur Ġenerali li l-IAS iwettaq verifika fuq il-proġett. Għadhom ma tlestewx, iżda ladarba l-abbozz ta’ konklużjonijiet ikun disponibbli, dawn jintbagħtu lill-OLAF għall-kummenti. L-aktar awditu riċenti tal-IAS tal-Ġestjoni tal-Proġetti stabbilit fil-pjan ta’ awditjar tal-IAS għadu ma ġiex iffinalizzat. Il-Kumitat talab lill-OLAF biex jiddiskuti s-sejbiet tal-IAS hekk kif dawn ikunu disponibbli. L-informazzjoni li l-OLAF bagħat lill-Kumitat hija dettaljata fit-tliet punti li jmiss.

21.

L-awditu OLAF-IAF iffoka fuq il-governanza u l-organizzazzjoni tal-proġett, filwaqt li l-awditu tal-2017 tal-IAS iffoka fuq il-Kontrolli Loġiċi tas-Sigurtà tal-IT. L-awditu tal-2017 tal-IAS għamel erba’ rakkomandazzjonijiet lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF, li kollha ġew aċċettati. L-OLAF indirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet permezz ta’ pjan ta’ azzjoni li jinkludi 31 miżuri speċifiċi. L-IAS qed jirrevedi l-progress biex jivvaluta sa liema punt dawn il-miżuri ġew implimentati kif suppost.

22.

Fl-2018 kien hemm pawża fl-iżvilupp ta’ funzjonalitajiet ġodda u ngħatat prijorità biex jiġu stabbiliti bugs, iżda minn Diċembru 2018 kien hemm fis-seħħ struttura ġdida ta’ Governanza tal-OCM formali. Il-fluss tax-xogħol huwa dan li ġej: il-Kumitat ta’ Tmexxija (ippresedut mid-Direttur Ġenerali) diġà ta prijorità lir-rekwiżiti ta’ livell għoli tal-OCM. Fuq din il-bażi, ġie miftiehem ippjanar ta’ rilaxx tal-OCM sal-aħħar tal-2019. Il-grupp tal-Implimentazzjoni tan-Negozju se jiddeċiedi kif ir-rekwiżiti ta’ livell għoli se jiġu żviluppati fis-sistema. Il-fluss tax-xogħol tad-deċiżjonijiet huwa definit b’mod ċar, u wera li jaħdem fil-prattika.

23.

Bħalissa, ħafna mill-moduli mixtrija ma jistgħux jintużaw fis-sistema. Id-djalogu kontinwu bejn l-esperti tal-IT u l-utenti rriżulta f’tant suġġerimenti għal simplifikazzjonijiet u titjib li l-esperti attwali li jaħdmu fis-sistema ma jistgħux isaħħuha b’mod rapidu. Min-naħa l-oħra, ir-reklutaġġ ta’ esperti oħra, li mhumiex impjegati tal-Kummissjoni, iżid l-ispejjeż b’mod drammatiku. L-isforzi huma attwalment iffukati fuq it-titjib tal-prestazzjoni u t-twettiq tal-iżvilupp sal-aħħar tal-2020.

24.

Il-Kumitat kien partikolarment imħasseb dwar l-iskambju estensiv ta’ informazzjoni online bejn l-OLAF u l-UPPE li huwa previst u l-impatt li din il-funzjonalità addizzjonali se jkollha fuq il-kapaċità operattiva tal-OCM. Anki jekk il-Kumitat kien żgurat li r-rabta bejn l-OCM u s-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-UPPE (“CMS” attwalment denominata mill-UPPE, u li għandha tkun lesta sal-2021) ma għandhiex taffettwa l-prestazzjoni tal-OCM, hija saret taf li s’issa ma saritx analiżi dettaljata tat-tip ta’ interfaċċa li għandha tintuża, filwaqt li għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar liema CMS se juża l-UPPE. Tħassib dwar l-isfidi ulterjuri tas-sistema OCM għalhekk ma setgħax jiġi eliminat.

25.

Għalkemm l-OCM taffettwa x-xogħol ta’ kuljum tiegħu, il-kapaċità tal-Kumitat li jevalwa l-prestazzjoni tas-sistema hija limitata mill-fatt li l-persunal tas-Segretarjat u xi membri tal-Kumitat għandhom aċċess għas-sistema bħala utenti għal każijiet speċifiċi biss. Il-Kumitat għandu ħeġġa biex janalizza l-konklużjonijiet tal-korpi li jwettqu l-awditu u l-valutazzjoni tal-ispejjeż tas-sistema, is-sigurtà u l-prestazzjoni tagħha. Huwa jilqa’ d-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali li jieħu r-responsabbiltà għall-iżvilupp u t-titjib tas-sistema u tad-djalogu bejn l-OLAF u l-Kumitat. Dan id-djalogu għandu jirriżulta fl-inklużjoni attiva tal-Kumitat u tas-Segretarjat tiegħu fl-għodod tal-IT li huma meħtieġa għall-ħidma tagħhom, li hija kundizzjoni neċessarja għall-implimentazzjoni tal-mandat tal-Kumitat.

(ii)   L-istrateġija tal-OLAF għar-Riżorsi Umani

26.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza jemmen li r-riżorsi umani interni u l-kapaċitajiet ta’ finanzjament li huma indipendenti mill-Kummissjoni jikkontribwixxu għall-indipendenza tal-OLAF. Dan huwa partikolarment importanti għar-reklutaġġ, it-taħriġ u l-kapaċità ta’ reazzjoni għal xejriet ġodda u kumplessi ta’ frodi, u għalhekk il-Kumitat irrakkomanda fl-opinjoni tiegħu Nru 1/2018 li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex terġa’ tistabbilixxi unità ta’ riżorsi umani fi ħdan l-OLAF biex iżżomm l-effiċjenza u l-indipendenza tagħha fil-proċeduri ta’ reklutaġġ.

27.

Il-Kumitat segwa mill-qrib l-istrateġija tal-OLAF dwar ir-riżorsi umani u l-pjan ta’ ġestjoni annwali għall-2019, politika soda dwar ir-riżorsi umani u strateġija huma fattur ewlieni f’investigazzjonijiet ta’ suċċess. Huwa nnota li hemm diffikultajiet prattiċi fit-tqegħid fis-seħħ ta’ politika tal-persunal effettiva li tippermetti lill-OLAF jimplimenta l-missjoni ċentrali tiegħu ta’ investigazzjoni indipendenti.

28.

Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF mhuwiex kompletament indipendenti fir-rigward tal-arranġamenti baġitarji u amministrattivi, u huwa meħtieġ li jirrispetta l-politika ċentralizzata l-ġdida tal-Kummissjoni dwar ir-riżorsi umani. Madankollu, il-Kumitat iqis li l-OLAF għandu jibbenefika mid-devoluzzjoni f’dan il-qasam prinċipali u l-OLAF u l-amministrazzjoni tal-Kummissjoni għandhom jagħmlu kull sforz biex jaqblu dwar arranġamenti amministrattivi li jippermettu lill-OLAF jimplimenta l-politika tiegħu dwar il-persunal. Huwa essenzjali li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF iżomm l-istatus indipendenti tiegħu f’dan il-qasam, minħabba li d-dmirijiet interistituzzjonali u sopranazzjonali tiegħu jeħtieġu dan.

29.

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li jiġi stabbilit programm ta’ taħriġ komprensiv, speċjalizzat u kontinwu biex jittejbu l-għarfien u l-ħiliet tal-investigaturi, speċjalment fir-rigward tal-implimentazzjoni finanzjarja tal-UE u tar-regoli nazzjonali. L-indipendenza tal-investigaturi tal-OLAF hija essenzjali għall-mandat tal-OLAF. Il-Kumitat għal darb’oħra enfasizza li l-istrateġija tar-riżorsi umani tal-OLAF għandha tiffoka fuq il-kompiti operattivi ewlenin tagħha u ssaħħaħ il-kapaċità investigativa tagħha. Huwa appoġġa t-talba tal-OLAF għal sitt karigi addizzjonali ta’ amministratur sabiex ikun jista’ jwettaq il-funzjoni investigativa ewlenija tiegħu filwaqt li jirrikonoxxi wkoll l-importanza tal-prevenzjoni tal-frodi u l-attivitajiet leġislattivi.

30.

Il-Kumitat huwa konxju tal-eżerċizzju ta’ valutazzjoni tal-forza tax-xogħol li għandu jitnieda mill-OLAF din is-sena. L-iskop huwa li jiġu identifikati karigi, kompiti u eżiti, sabiex tiġi definita l-allokazzjoni tal-persunal f’oqsma investigativi u ta’ politika ewlenin. Il-miri u l-objettivi jkunu jridu jiġu definiti, l-istess bħall-allokazzjoni tar-riżorsi bejn id-Direttorati (li tlieta minnhom jittrattaw l-investigazzjonijiet filwaqt li l-oħra tittratta l-oqsma ta’ politika). Il-Kumitat jinnota li l-politika ta’ investigazzjoni reattiva tal-OLAF tagħmilha diffiċli li jiġi stmat l-ammont ta’ xogħol futur u l-allokazzjoni tar-riżorsi.

31.

Il-Kumitat jirrakkomanda bil-qawwa li titfassal strateġija komprensiva tar-riżorsi umani li ssegwi analiżi fil-fond tal-prijoritajiet tal-OLAF u l-metodi ta’ ħidma. Din l-istrateġija għandha tippermetti: (i) allokazzjoni aħjar ta’ riżorsi fi ħdan l-OLAF, biex tkun tista’ tiffoka aktar fuq il-kompiti investigativi ewlenin tagħha; (ii) użu aħjar ta’ sinerġiji fi ħdan l-OLAF, speċjalment permezz ta’ bini fuq il-ħiliet u l-oqsma ta’ kompetenza varji tal-persunal tal-OLAF; (iii) appoġġ amministrattiv xieraq għal attivitajiet ta’ investigazzjoni; (iv) żieda fil-mobbiltà fi ħdan l-OLAF u l-Kummissjoni; (v) żvilupp aħjar tal-politika ta’ taħriġ bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-mobilità mingħajr ma tiġi mminata l-kwalità tal-investigazzjonijiet.

(iii)   L-impatt baġitarju tal-istabbiliment tal-UPPE fuq l-OLAF

32.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza tenna fl-Opinjoni tiegħu dwar l-abbozz preliminari ta’ baġit (APB) tal-OLAF Nru 1/2018 (14) li t-trasferiment tal-pożizzjonijiet baġitarji mill-OLAF lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu jiġi kkunsidrat bir-reqqa u ġestit b’mod li jħares il-kapaċità tal-OLAF biex ikompli jwettaq il-mandat tiegħu b’mod sħiħ, b’mod partikolari fil-kapaċità investigativa tiegħu. Minħabba l-livell ta’ persunal attwali tal-OLAF, huwa diffiċli li wieħed jara kif jista’ jiffaċċja aktar tnaqqis fil-pjan ta’ stabbiliment tiegħu sakemm ma jkunx hemm rabta ċara bejn it-trasferiment ta’ pożizzjoni u t-trasferiment ta’ funzjonijiet.

33.

Il-Kumitat eżamina l-analiżi tal-OLAF tal-impatt tal-UPPE fuq il-pjan strateġiku tal-OLAF dwar ir-riżorsi umani u se jsegwi mill-qrib il-konsegwenzi li dan għandu fuq l-operazzjonijiet u l-metodi ta’ ħidma tal-OLAF. Kif stqarr il-Kumitat fl-iskambju interistituzzjonali annwali tal-opinjonijiet, il-kapaċità investigativa tal-OLAF li jaġixxi fuq it-talbiet futuri għall-assistenza tal-UPPE m’għandhiex tiddgħajjef billi jitnaqqsu r-riżorsi tiegħu. Huwa jirrakkomanda li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF iwettaq valutazzjoni tal-impatt baġitarju biex ikejjel l-effett fuq l-effiċjenza tal-OLAF u l-kapaċitajiet operazzjonali ta’ trasferiment ta’ postijiet fl-UPPE. Se jieħu ftit taż-żmien qabel ma l-istrutturi u r-responsabbiltajiet tal-UPPE jkunu ġew stabbiliti b’mod sħiħ. Is-suċċess tal-UPPE fil-ġlieda kontra reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE se jiddependi wkoll mill-assistenza ewlenija tal-OLAF. Huwa essenzjali li l-OLAF, b’20 snin esperjenza fl-investigazzjonijiet, iżomm il-komplement sħiħ ta’ persunal ta’ kwalità għolja biex ikun jista’ jissodisfa l-ogħla standards f’kooperazzjoni ma’ u jassisti lill-UPPE.

MONITORAĠĠ FUQ INIZJATTIVA TAL-KUMITAT TA’ SORVELVANZA: AĊĊESS GĦALL-INFORMAZZJONI GĦALL-FUNZJONIJIET SUPERVIŻORJI

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013:

L-Artikolu 15(1) it-tielet paragrafu tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013:

“Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jimmonitorja regolarment l-implimentazzjoni mill-Uffiċċju tal-funzjoni investigativa tiegħu […]”

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 1999 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi:

“[…] Il-Kumitat [ta’ Sorveljanza] għandu jkun responsabbli għas-sorveljanza regolari tal-qadi tal-funzjoni investigativa mill-Uffiċċju.”

Opinjoni Konġunta tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Settembru 2016

L-opinjoni Konġunta tenfasizza li r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 jagħti s-setgħa lill-Kumitat ta’ Sorveljanza li jirċievi informazzjoni mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF:

dwar każijiet li fihom l-informazzjoni tkun ġiet trażmessa lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali anke meta l-ebda investigazzjoni ma tkun saret mill-OLAF;

dwar informazzjoni addizzjonali relatata mal-każijiet dwar il-każijiet kollha, inklużi investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin u mhux biss informazzjoni dwar każijiet magħluqa;

fir-rigward tal-obbligi ta’ rappurtar tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 jimplika dmir attiv ta’ informazzjoni għall-OLAF. F’dak ir-rigward, l-għoti ta’ aċċess elettroniku purament passiv għall-bażijiet ta’ data tal-OLAF ma jkunx biżżejjed biex jiġu ssodisfati l-obbligi tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF kif stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

34.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza isegwi b’mod attiv u regolari l-mod li bih l-OLAF imexxi l-investigazzjonijiet sabiex isaħħaħ l-indipendenza tal-OLAF u biex jassisti lid-Direttur Ġenerali fil-qadi ta’ dmirijietu. Ħatar relaturi biex jaħdmu kemm fuq investigazzjonijiet interni sensittivi kif ukoll fuq fajls ta’ każijiet fejn id-Direttur Ġenerali ddeċieda, wara li vvaluta l-informazzjoni li tkun dieħla, biex ma jiftaħx każ — l-hekk imsejħa “każijiet miċħuda”.

35.

Fir-rapport ta’ attività preċedenti tiegħu, il-Kumitat enfasizza li kellu aċċess limitat għal informazzjoni relatata ma’ każijiet tal-OLAF u li kien hemm ħtieġa urġenti biex tissolva din il-problema. Matul il-perjodu ta’ rappurtar kien hemm ammont konsiderevoli ta’ żmien biex tiġi estratta l-informazzjoni rilevanti minn diversi sistemi elettroniċi (OCM, THOR u CMS) fejn kienet maħżuna d-data. Is-sitwazzjoni tjiebet b’mod sodisfaċenti wara l-ħatra tad-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-OLAF, is-Sur Itälä, f’Awwissu 2018. Fl-aħħar nett instabet soluzzjoni f’Novembru 2018, u r-relaturi tal-Kumitat u l-membri tas-Segretarjat tiegħu ngħataw aċċess sħiħ għall-informazzjoni relatata mal-każijiet dwar 64 fajl tal-OLAF immonitorjati mill-Kumitat matul il-perjodu ta’ rappurtar: Sittin każ li fihom id-Direttur Ġenerali tal-OLAF ħa d-deċiżjoni li ma jiftaħx investigazzjoni (imsejħa l-“każijiet miċħuda”) u erbgħa investigazzjoni interna mmexxija u magħluqa mill-OLAF. Dan l-aċċess eventwalment ippermetta lill-Kumitat ta’ Sorveljanza javvanza bil-ħidma tiegħu u jagħmel progress fl-organizzazzjoni ta’ skambju ta’ fehmiet mal-persunal tal-OLAF dwar il-mod kif twettqu l-investigazzjonijiet.

36.

Bejn Jannar u Marzu 2019, ir-relaturi tal-Kumitat kellhom laqgħat ta’ kull xahar mal-maniġment tal-persunal tal-OLAF, inklużi d-Diretturi tad-Direttorat A (“Investigazzjonijiet I”) u d-Direttorat C (“Appoġġ għall-Investigazzjonijiet”); il-Kapijiet tal-Unitajiet tal-Unità 0.1 (“Investigazzjoni, Għażla u Rieżami”), Unità A.1 (Persunal tal-UE), Unità C.3 (“Analiżi Operattiva & Forensika Diġitali”) u Unità C.4 (“Unità legali u ta’ konsulenza”). Ħadu sehem ukoll fil-laqgħat is-seletturi, l-evalwaturi, l-investigaturi, l-analisti tal-unitajiet ta’ appoġġ operattiv, il-membri tal-konsulenza legali u l-unitajiet ta’ segwitu. Din is-serje ta’ laqgħat laħqet it-tmiem f’Marzu 2019, u wara dan il-Kumitat beda jabbozza l-opinjonijiet tiegħu.

37.

Fil-ħin tal-kitba ta’ dan ir-rapport, il-Kumitat ta’ Sorveljanza qiegħed jiffinalizza numru ta’ opinjonijiet: dwar każijiet li ma nfetħux mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF (“każijiet miċħuda”), dwar investigazzjonijiet interni li tlestew u ntbagħtu lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, u dwar investigazzjonijiet interni li ngħalqu mingħajr segwitu. Il-Kumitat, bħala korp indipendenti, jinsab fl-aqwa pożizzjoni biex iwettaq dan il-kompitu. Meta eżamina l-każijiet, huwa qies b’mod xieraq, fost l-oħrajn, l-elementi li ġejjin: ir-riskji potenzjali għat-twettiq indipendenti tal-investigazzjonijiet; ir-rispett għall-garanziji proċedurali u għad-drittijiet fundamentali; ir-rispett tal-prinċipji ġenerali u r-regoli tal-investigazzjonijiet; il-kontroll tal-legalità ta’ investigazzjonijiet; valutazzjoni globali tal-kwalità tal-fajls u l-konsistenza tal-informazzjoni li tinsab fl-OCM u fl-attivitajiet imwettqa; u l-konformità mar-regoli stabbiliti fil-Linji Gwida dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni għall-persunal tal-OLAF (GIPs).

MONITORAĠĠ TAL-PERJODU TA’ INVESTIGAZZJONIJIET TAL-OLAF

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jimmonitorja regolarment l-implimentazzjoni mill-Uffiċċju tal-funzjoni investigativa tiegħu, sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-Uffiċċju fit-twettiq tajjeb tal-kompetenzi mogħtija lilu permezz ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 15(1), it-tieni paragrafu tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu b’mod partikolari jimmonitorja l-iżviluppi dwar l-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali u t-tul tal-investigazzjonijiet fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mid-Direttur Ġenerali f’konformità mal-Artikolu 7(8).

L-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu kontinwament matul perijodu li għandu jkun proporzjonat għaċ-ċirkostanzi u l-kumplessità tal-każ.

Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

Jekk investigazzjoni ma tkunx tista’ tingħalaq fi żmien 12-il xahar wara li tkun infetħet, id-Direttur Ġenerali għandu jirrapporta, malli jiskadi dak il-perijodu ta’ 12-il xahar u f’intervalli ta’ sitt xhur wara dan, lill-Kumitat ta’ Sorveljanza, filwaqt li jindika r-raġunijiet u l-miżuri ta’ rimedju previsti bil-ħsieb li titħaffef l-investigazzjoni.

Kummenti ġenerali

38.

Il-monitoraġġ tad-durata tal-investigazzjonijiet tal-OLAF huwa wieħed mid-dmirijiet ewlenin tal-Kumitat ta’ Sorveljanza li jsaħħaħ l-indipendenza tal-OLAF. Il-Kumitat jagħmel dan ir-rieżami biex jiżgura li l-investigazzjonijiet jitwettqu kontinwament matul perjodu proporzjonat għaċ-ċirkostanzi u l-kumplessità tal-każ u li jiġu esklużi l-interferenzi fl-imġiba imparzjali tagħhom.

39.

It-tul tal-investigazzjonijiet tal-OLAF huwa indikatur importanti użat għall-valutazzjoni tal-effettività tal-investigazzjonijiet u għall-monitoraġġ tal-konformità mal-garanziji proċedurali u d-dritt għal amministrazzjoni tajba, imsemmija fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Il-monitoraġġ tat-tul tal-investigazzjonijiet tal-OLAF jintuża wkoll biex jiżgura:

(i)

li d-dewmien ma jipprevenix ir-riżultat intenzjonat ta’ investigazzjoni, għal raġunijiet li jinkludu l-esklużjoni minħabba ż-żmien;

(ii)

li l-investigazzjonijiet tal-OLAF għandhom jiġu segwiti mill-awtoritajiet rilevanti; kif ukoll

(iii)

li l-OLAF huwa fil-fatt indipendenti fit-twettiq tal-investigazzjonijiet tiegħu, inkluż l-użu effiċjenti tar-riżorsi umani u finanzjarji tiegħu.

Ir-raġunijiet oġġettivi għad-dewmien tal-investigazzjonijiet jista’ jkollhom ukoll impatt fuq l-adozzjoni tal-prijoritajiet tal-politika ta’ investigazzjoni tal-OLAF.

40.

Il-Kumitat osserva li l-pjanijiet ta’ ġestjoni annwali tal-OLAF jistabbilixxu mira ġenerali għad-durata medja tal-investigazzjonijiet. F’kemm l-2018 kif ukoll fl-2019, pereżempju, dan ma kellux jaqbeż għoxrin xahar (15). Madankollu, l-għan ta’ dan l-indikatur jidher li għandu rwol bħala għodda statistika. Il-Kumitat jinnota li l-proċedura investigativa tal-OLAF ma tinkludi l-ebda sistema li teħtieġ awtorizzazzjoni formali għat-tul estiż ta’ investigazzjoni mid-deċiżjoni tal-ftuħ. Bħala konsegwenza, fil-prinċipju kull investigazzjoni hija miftuħa għal perjodu ta’ żmien indefinit. Il-mekkaniżmu uniku previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 simili għal sistema għall-kontroll tat-tul tal-investigazzjonijiet, huwa l-obbligu tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF li jirrapporta lill-Kumitat ta’ Sorveljanza fi tmiem perjodu ta’ 12-il xahar u kull 6 xhur minn hemm’ il quddiem; li huwa bbażat fuq l-awtovalutazzjoni tar-raġunijiet li bih l-OLAF ma lestiex il-każ u l-miżuri ta’ rimedju maħsuba biex titħaffef l-investigazzjoni. Il-Kumitat osserva li l-approċċ statistiku kien prevalenti wkoll fis-sistema tal-OLAF biex jirrapporta lilu dwar it-tul tal-investigazzjonijiet.

41.

Il-Kumitat iqis li l-investigaturi u l-maniġers tal-OLAF għandhom iżommu kontroll sod taċ-ċiklu tal-ħajja tal-investigazzjoni mill-ftuħ tagħha, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tal-OLAF dwar it-tul ta’ investigazzjoni mwettqa kontinwament matul perjodu proporzjonat għaċ-ċirkostanzi u l-kumplessità tal-każ. Il-kontenut u l-kwalità ta’ “rapporti ta’ 12-il xahar” u rapporti sussegwenti huma elementi kruċjali biex il-Kumitat ikun jista’ jissorvelja l-progress tal-investigazzjonijiet f’intervalli regolari. L-approċċ statistiku li jipprevali fis-sistema ta’ rappurtar attwali tal-OLAF dwar it-tul tal-investigazzjonijiet, b’enfasi fuq in-numru ta’ xhur, minflok fuq il-kwalità tal-informazzjoni pprovduta, mhuwiex xieraq għad-dmirijiet ta’ monitoraġġ tal-Kumitat stabbilit mil-liġi.

L-analiżi tal-Kumitat ta’ 484 rapport għal investigazzjonijiet li damu aktar minn 12-il xahar

(i)   Analiżi statistika tar-rapporti li waslu fl-2018

42.

Il-Kumitat analizza 484 rapport (16) tal-OLAF dwar 343 minn investigazzjonijiet li damu aktar minn 12-il xahar (minn hawn’ il quddiem “rapporti ta’ 12-il xahar”) inklużi rapporti ta’ investigazzjoni li jaqbżu 18, 24, 30, 36, 42, 48, 54 u 60 xhur: aktar minn 18 xhur (243 rapport), aktar minn 24 xhur (141 rapport), aktar minn 30 xhur (68 rapport), aktar minn 36 xhur (31 rapport), aktar minn 42 xhur (11-il rapport), aktar minn 48 xhur (3 rapporti), aktar minn 54 xhur (2 rapporti), u aktar minn 60 xhur (1 rapport).

L-għan tal-Kumitat kien li jeżamina l-kontenut tar-rapporti skont ir-rekwiżiti legali stabbiliti fl-Artikoli 7(5) u 7(8) b’rabta mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013. Il-Kumitat iffoka l-analiżi tiegħu fuq il-valutazzjoni ta’:

(i)

in-numru ta’ “rapporti ta’ 12-il xahar” li fihom l-OLAF ta raġunijiet għaliex l-investigazzjonijiet kienu għadhom ma tlestewx, u l-kategorija ta’ raġunijiet li l-OLAF indika għan-nuqqas ta’ tlestija tal-investigazzjonijiet.

(ii)

l-għadd ta’ “rapporti ta’ 12-il xahar” li fihom l-OLAF inkluda miżuri ta’ rimedju biex jitħaffu l-investigazzjonijiet;

43.

Il-Kumitat sab li f’ħafna każijiet, 49 %, l-OLAF indika l-“kumplessità tal-materja” taħt investigazzjoni bħala r-raġuni ewlenija għalfejn l-investigazzjoni ma tlestietx. L-ebda raġuni sostantiva għan-nuqqas li titlesta investigazzjoni ma kienet tammonta għal 18 %. Ir-rapporti tal-OLAF kienu jinkludu raġunijiet ulterjuri biex l-investigazzjonijiet ma jiġux kompluti (17):

(i)

il-prijorità mogħtija lil investigazzjonijiet oħra (6 %);

(ii)

involviment ta’ Stat Membru fil-każ (4 %);

(iii)

L-involviment ta’ pajjiż terz (3,5 %);

(iv)

nuqqas ta’ riżorsi tal-OLAF (4 %).

Raġunijiet oħra ngħataw kif ġej:

(v)

nuqqas ta’ kooperazzjoni minn Stat Membru (3 %);

(vi)

nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-istituzzjoni tal-UE (3 %);

(vii)

nuqqas ta’ kooperazzjoni minn pajjiż terz (2,5 %);

(viii)

estensjoni tal-ambitu tal-investigazzjoni (2 %);

(ix)

riorganizzazzjoni interna tal-OLAF (1 %).

484 rapport — 508 raġuni għalfejn ma tlestewx

Image 1

44.

Il-miżuri ta’ rimedju kienu indikati mill-OLAF fi 31 % biss tar-rapporti.

Miżuri ta’ rimedju indikati

Image 2

(ii)   Konklużjonijiet

45.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza nnota li l-kontenut u l-kwalità tar-rapporti ppreżentati mill-OLAF dwar każijiet li jaqbżu t-12-il xahar fl-2018 ma jinkludu l-ebda informazzjoni adattata biex tissorvelja t-tul tal-investigazzjonijiet b’mod effettiv. B’mod partikolari, għalkemm l-investigazzjonijiet żdiedu fit-tul minn 12-il xahar għal 18, 24, 30 xahar jew aktar, il-biċċa l-kbira tar-rapporti ma fihomx informazzjoni sostantiva fid-deskrizzjoni tal-każ li tippermetti lill-Kumitat jivvaluta jekk ir-raġunijiet li l-OLAF jindika biex jiġġustifika t-tul tal-investigazzjonijiet ikunu preċiżi u jekk il-miżuri ta’ rimedju biex dawn jitħaffu humiex xierqa.

46.

Abbażi tal-analiżi komparattiva tiegħu, il-Kumitat jikkonkludi li l-kwalità tal-informazzjoni pprovduta mill-OLAF skont l-Artikoli 7(8) u (5) b’rabta mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 ma tjibitx fl-2018 meta mqabbla mas-snin preċedenti, u għall-istess każ matul iż-żmien. Għaldaqstant, jikkonferma l-osservazzjoni li għamel fir-rapporti ta’ attività tas-sena l-oħra: L-OLAF ma għamel l-ebda progress fl-2018 biex jimplimenta l-obbligi legali tad-Direttur Ġenerali tiegħu skont l-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

Konklużjonijiet finali

47.

Il-Kumitat isostni l-fehma tiegħu li rapporti ta’ kwalità tajba dwar investigazzjonijiet ta’ aktar minn 12-il xahar huma għodod utli u effiċjenti li jippermettu li jiġi mmonitorjat it-tul tal-investigazzjonijiet, u li t-tul ta’ żmien eċċessiv tal-investigazzjonijiet jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-indipendenza tal-OLAF. Dan huwa wkoll kawża ta’ tħassib peress li jpoġġi f’riskju d-drittijiet fundamentali tal-persuni affettwati minn investigazzjonijiet, filwaqt li l-limitazzjonijiet statutorji (jiġifieri r-riskju ta’ preskrizzjoni) jippreġudikaw l-awtoritajiet ġudizzjarji, amministrattivi, dixxiplinarji u/jew finanzjarji li jieħdu azzjoni ulterjuri. L-indipendenza tal-OLAF għandha tkun ta’ importanza kbira u għandu jkun garantit trattament ugwali. Dan huwa essenzjali għall-Kumitat.

48.

Matul it-tieni parti tal-perjodu ta’ rapportar, wara l-ħatra tad-Direttur Ġenerali l-ġdid, il-Kumitat ħadem mal-OLAF biex jistabbilixxi sistema ġdida ta’ rappurtar li tippermetti lill-Kumitat jissodisfa dan il-mandat ta’ monitoraġġ. F’Frar 2019, il-Kumitat bagħat lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF żewġ “rapporti mudell” ġodda bbażati fuq mudell li l-OLAF innifsu kien ippropona. L-ewwel waħda minn dawn ġiet iddisinjata għal investigazzjoni li taqbeż it-12-il xahar, filwaqt li t-tieni waħda, maħsuba għal investigazzjoni ta’ 18-il xahar jew aktar, kienet imfassla biex tivverifika l-impatt ta’ kwalunkwe miżura ta’ rimedju meħuda mill-OLAF biex iħaffef l-investigazzjoni.

Ir-rapporti mudell kienu jinkludu lista ta’ kategoriji ta’ informazzjoni, b’mod partikolari: (i) deskrizzjoni dettaljata tal-każ inkluż l-impatt ekonomiku stmat, (ii) il-leġiżlazzjoni li allegatament inkisret (iii) sanzjonijiet potenzjali u kunsiderazzjonijiet ta’ preskrizzjoni, (iv) attivitajiet operattivi mwettqa u r-riżultati tagħhom, (v) attivitajiet operattivi li għandhom jitwettqu; (vi) raġunijiet għalfejn il-każ ma tlestiex; u (vii) miżuri ta’ rimedju biex titħaffef l-investigazzjoni.

49.

Il-Kumitat kien sorpriż u mħasseb ħafna dwar it-tweġiba tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF f’Mejju li informa lill-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar l-adozzjoni ta’ mudell ta’ rapport differenti li ma jinkludix informazzjoni dwar każijiet bażiċi u impedixxa lill-Kumitat milli jissodisfa l-mandat tiegħu. Skont id-Direttur Ġenerali ma kienx possibbli li ssir stima dwar l-impatt ekonomiku, l-evalwazzjoni legali preliminari jew li jsir rapport dwar sanzjonijiet potenzjali u kunsiderazzjonijiet ta’ preskrizzjoni qabel ma tiġi ffinalizzata l-investigazzjoni. Fl-esperjenza tal-Kumitat, l-analiżi ta’ dawn l-elementi hija obbligatorja għal kull korp investigativ qabel id-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni. Il-Kumitat talab lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF biex jikkunsidra mill-ġdid u jiżgura li l-Kumitat jirċievi l-informazzjoni meħtieġa biex jissodisfa l-mandat tiegħu filwaqt li jżomm f’moħħu d-dmirijiet ta’ rappurtar tal-Kumitat dwar il-prestazzjoni tal-OLAF għat-tlieta li huma.

Il-Kumitat huwa lest li jassisti lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF fl-isforzi tiegħu biex ifittex forma xierqa ta’ rappurtar lilu dwar investigazzjonijiet li jdumu aktar minn 12-il xahar u japprezza l-inizjattiva tiegħu għal djalogu kostruttiv mal-persunal tal-OLAF dwar din il-kwistjoni.

KAŻIJIET LI JEĦTIEĠU LI L-INFORMAZZJONI TINTBAGĦAT LILL-AWTORITAJIET ĠUDIZZJARJI NAZZJONALI

50.

L-OLAF jipprovdi lill-Kumitat ta’ Sorveljanza b’lista ta’ każijiet mibgħuta lill-Awtoritajiet Ġudizzjarji Nazzjonali (NJA). Dan it-tagħrif statistiku għeri ftit li xejn huwa utli għall-Kumitat, li jikkunsidra li l-OLAF għandu jibgħatlu r-rapport finali mibgħut lill-NJA kif iddikjarat preċedentement fl-Opinjoni Nru 2/2017 tiegħu li takkumpanja r-rapport ta’ Evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (l-Artikolu 19). Id-diskussjonijiet dwar kif tissolva l-kwistjoni jinsabu għaddejjin.

KAŻIJIET FEJN IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-OLAF MA ĠEWX SEGWITI MILL-AWTORITAJIET RILEVANTI

51.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza kiseb mill-OLAF rapport ta’ 22 każ b’lista ta’ tweġibiet mill-awtoritajiet rilevanti għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF maħruġa mill-1 ta’ Ottubru 2013, u li waslu għand l-OLAF bejn l-1 ta’ Marzu 2017 u t-28 ta’ Frar 2018. Dan il-perjodu ta’ rappurtar segwa dak ta’ qabel li kien għaddej mill-1 ta’ Marzu 2016 sat-28 ta’ Frar 2017 (18).

52.

Il-Kumitat diġà esprima tħassib dwar il-perjodu ta’ żmien tas-sistema ta’ rappurtar fir-rapporti u l-opinjonijiet preċedenti tiegħu. Is-sistema attwali ma tkoprix is-sena kalendarja konvenzjonali, ma turix l-għadd ta’ kawżi pendenti jew tweġibiet li qatt ma ġew irċevuti, u hija vulnerabbli għal żbalji (19). Għalhekk huwa jqis is-sistema ta’ rappurtar attwali bħala mhux komprensiva u jirrakkomanda li l-OLAF isib mod aħjar kif jagħmel ħarsa ġenerali u biex jeżamina l-impatt tal-investigazzjonijiet tiegħu b’mod ġenerali. B’mod speċjali, sistema elettronika li tiffunzjona tajjeb tista’ ssolvi din il-kwistjoni, billi tagħmel is-sistema ta’ rappurtar aktar komprensiva u aktar preċiża. Barra minn hekk, l-għażla tad-dħul ta’ talbiet transversali għandha tagħmel parti essenzjali minn kwalunkwe sistema elettronika ta’ informazzjoni li tittratta l-ġestjoni tal-każijiet (OCM).

53.

L-informazzjoni dwar is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF ġiet ippreżentata mill-OLAF lill-Kumitat bħala ħarsa ġenerali tal-mapep li kopriet il-punti li ġejjin: in-numru tal-każ tal-OLAF, id-data meta nħarġet ir-rakkomandazzjoni, l-identifikazzjoni tar-riċevitur, sommarju qasir tar-rakkomandazzjoni, id-data tat-tweġiba li tiddikjara li r-rakkomandazzjoni ma kinitx se tiġi segwita, ir-raġunijiet mogħtija mill-awtorità kkonċernata u, f’xi każijiet, il-kummenti mill-OLAF li jipprovdu kjarifika ulterjuri.

54.

Abbażi tal-informazzjoni msemmija hawn fuq dwar it-22 każ, il-Kumitat ta’ Sorveljanza sab li l-għadd ta’ każijiet li ngħataw is-sensja jew li ma ġewx imħarrka minħabba nuqqas ta’ evidenza żdied b’mod drammatiku meta mqabbel mal-aħħar perjodu ta’ rappurtar. Fi 11 milt-22 każ, l-awtoritajiet nazzjonali jew evalwaw l-evidenza u l-fatti b’mod differenti jew ma setgħux jagħtu prova tal-fatti abbażi tal-evidenza li waslet mingħand l-OLAF u miġbura f’investigazzjonijiet nazzjonali sussegwenti.

55.

Għalkemm l-informazzjoni li l-Kumitat irċieva kienet limitata, huwa possibbli li wieħed jikkonkludi li d-differenzi proċedurali bejn l-investigazzjoni amministrattiva tal-OLAF u l-proċedimenti kriminali kienu r-raġuni ewlenija għat-terminazzjoni tal-proċedimenti nazzjonali. L-awtoritajiet nazzjonali spiss ibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom li ma jieħdux passi legali jew li jiċħdu l-każ fuq l-impossibbiltà li jippruvaw l-intenzjoni li jikkommettu reat. Il-Kumitat iqis li aktar ħidma hija essenzjali biex jitjiebu ċ-ċansijiet li r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF jiġu aċċettati. Il-Kumitat beħsiebu jiddedika aktar ħin għal dan is-suġġett fil-futur u adotta deċiżjoni biex jissorvelja din il-kwistjoni fil-pjan ta’ ħidma tiegħu għall-2019.

56.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza jibqa’ konvint li s-suċċess tal-ġustizzja ma jistax jitkejjel fl-għadd ta’ kundanni. Madankollu, ħafna ostakli jistgħu jingħelbu permezz ta’ kooperazzjoni u konsultazzjoni aħjar dwar il-fatti, l-ammissibbiltà tal-evidenza u t-tattiki ta’ investigazzjoni mal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Speċjalment fir-rigward ta’ każijiet li l-awtoritajiet nazzjonali ċaħdu jew iddeċidew li ma jinvestigawx minħabba li l-istatut tal-limitazzjonijiet kien skada (erbgħa mit-22 każ irrappurtat). Il-Kumitat ma jsib l-ebda argument raġonevoli biex ma tiġix evitata sitwazzjoni proċedurali bħal din. Għalkemm jista’ jkun hemm każijiet fejn, pereżempju, il-kwalifika legali tkun inbidlet, sabiex it-tqassir tal-perjodu ta’ limitazzjoni statutorju sabiex ikun skada qabel, il-Kumitat iqis li l-għadd ta’ investigazzjonijiet preskritti (madwar 18 % tat-22 każijiet irrapportati) huwa għoli wisq. Ir-responsabbiltà għal din is-sitwazzjoni hija kemm fuq l-OLAF kif ukoll fuq l-awtoritajiet nazzjonali, li għandhom jikkooperaw u jieħdu azzjoni mill-aktar stadji bikrija tal-investigazzjoni. Il-Kumitat japprezza l-inizjattiva tal-OLAF li jorganizza konferenza dwar il-kooperazzjoni bejn l-OLAF, l-awtoritajiet ġudizzjarji u s-servizzi tal-infurzar tal-liġi (20); li se tikkontribwixxi għall-iskambju ta’ fehmiet u, nittamaw, se trendi wkoll is-sistema istituzzjonali li bħalissa qed tinbidel għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE aktar effettiva.

57.

Ladarba l-UPPE jkun kompletament operattiv, il-pożizzjoni tal-OLAF tkun saħansitra aktar ikkumplikata. L-investigaturi tal-OLAF se jkunu meħtieġa li jagħtu attenzjoni mill-qrib lil ġbir ta’ evidenza f’diversi sitwazzjonijiet proċedurali ġodda. L-OLAF se jżomm investigazzjonijiet fl-Istati Membri li mhumiex qed jieħdu sehem fil-kooperazzjoni msaħħa, iżda l-UPPE jista’ jitlob ukoll li huwa jinvestiga fl-istess stati u jiġbor evidenza għall-fini ta’ investigazzjoni kriminali. Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni l-ġdida, ir-reazzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE li ddeċidew li ma jiħdux sehem fil-kooperazzjoni msaħħa (dwar l-UPPE) u l-konsegwenzi li l-ambjent il-ġdid jista’ jġib, fil-forma ta’ possibbiltajiet li tiġi kkontestata l-evidenza miġbura fi provi.

58.

L-investigaturi tal-OLAF se jkollhom jevalwaw l-evidenza u l-fatti b’mod rapidu, iffukat u flessibbli sabiex jiġi stabbilit jekk każ jappartjenix lill-OLAF jew għall-ġurisdizzjoni tal-UPPE u jkollu jżomm istruzzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti garanziji proċedurali mogħtija mill-UPPE, li jvarjaw minn ġurisdizzjoni għal oħra. L-OLAF, l-UPPE u l-awtoritajiet nazzjonali se jkollhom joħolqu sistema li tiffunzjona mingħajr xkiel biex jiġi evitat iż-żmien mitluf billi jiġu ddeterminati ġurisdizzjoni u inammissibbiltà tal-evidenza minħabba diversi rekwiżiti proċedurali tar-regoli tal-Istati Membri dwar proċedimenti kriminali. Il-Kumitat ta’ Sorveljanza qed jiffoka fuq il-prestazzjoni tal-OLAF. Madankollu, l-isfidi legali l-ġodda se jeħtieġu għarfien ferm tajjeb tal-liġi nazzjonali u internazzjonali, l-esperjenza b’ġurisdizzjoni li qed tinbidel matul l-investigazzjoni, l-abbiltajiet li jiffaċċjaw l-oġġezzjonijiet ta’ forum-shopping u, speċjalment, skambju massiv u flessibbli ta’ informazzjoni bejn l-UPPE, l-OLAF u l-awtoritajiet nazzjonali.

59.

Il-Kumitat diġà indika li għandu l-intenzjoni li jeżamina din il-kwistjoni aktar fil-fond. Għal dan il-għan, huwa talab aċċess għal għadd ta’ każijiet fejn ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF ma ġewx segwiti mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. L-analiżi se tibda fit-tieni nofs tal-2019 u l-opinjoni li tirriżulta se tkun ibbażata, minbarra l-eżami ta’ każijiet partikolari, fuq diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali, mal-OLAF u possibbilment mar-rappreżentanti tal-UPPE.

60.

Il-Kumitat esprima l-interess tiegħu li jissorvelja u janalizza r-riżultati u l-impatt tal-ħidma tal-OLAF b’mod aktar profond u b’inqas statistika. Għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon li jirċievi awtomatikament kwalunkwe rapport ta’ investigazzjoni li jintbagħat lill-awtoritajiet ikkonċernati u t-tweġibiet tagħhom. It-twettiq ta’ analiżi kontinwa u t-tfittxija ta’ spjegazzjonijiet kemm mill-awtoritajiet ikkonċernati kif ukoll mill-OLAF jippermettu li l-Kumitat jgħin lill-OLAF itejjeb l-impatt investigativ tiegħu u jiżgura l-ammissibbiltà tal-evidenza.

MONITORAĠĠ TAL-IŻVILUPPI RIGWARD L-APPLIKAZZJONI TAL-GARANZIJI PROĊEDURALI

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013:

“Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu b’mod partikolari jimmonitorja l-iżviluppi dwar l-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali (…).”

L-Artikolu 17(7) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013:

“Id-Direttur Ġenerali għandu jistabbilixxi proċedura ta’ konsulenza u ta’ kontroll intern, inkluż verifika ta’ legalità, dwar, inter alia, ir-rispett tal-garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati (…).”

61.

Ir-Regolament li jistipula l-attivitajiet tal-OLAF isemmi speċifikament li l-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jiżgura li jkun hemm biżżejjed garanziji proċedurali meta l-OLAF jinvestiga ċerti każijiet. Huwa għal din ir-raġuni li l-Kumitat ta’ Sorveljanza ta ħafna attenzjoni lil dan l-aspett tal-ħidma tiegħu matul is-sena li għaddiet.

62.

Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF ħa azzjoni biex jiżgura li r-rapporti dwar ilmenti individwali jintbagħtu mill-inqas darbtejn f’sena lill-Kumitat ta’ Sorveljanza. Dawn ir-rapporti tqiesu bħala informattivi u utli iżda mhux biżżejjed biex jitwettqu attivitajiet ta’ monitoraġġ fuq l-iżviluppi tal-garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali.

63.

In-numru ta’ lmenti li jirċievi l-OLAF huwa ta’ tħassib għall-Kumitat ta’ Sorveljanza u dawn jingħataw attenzjoni mill-qrib. Il-Kumitat beħsiebu jiskambja l-informazzjoni mal-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew u diġà ġew stabbiliti kuntatti. Se jkompli jagħti attenzjoni lil dan is-suġġett.

64.

Mill-inqas kull sitt xhur, il-“garanziji proċedurali” se jkunu fuq l-aġenda tal-laqgħat li jsiru bejn il-Kumitat ta’ Sorveljanza u d-Direttur Ġenerali tal-OLAF. Id-dewmien biex tingħata tweġiba għall-ilmenti li waslu se jiġi investigat, it-tweġibiet mogħtija, u kwalunkwe segwitu min-naħa tal-persuna li qed tressaq l-ilment se jiġu diskussi meta dan ikun meħtieġ.

65.

L-ilmenti kollha rreġistrati mill-OLAF jew l-ilmenti mressqa quddiem korpi oħra kontra l-OLAF li huma magħrufa mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF jew mill-persunal tiegħu se jiġu kondiviżi awtomatikament mal-Kumitat ta’ Sorveljanza. Il-kawżi li jiskattaw dawk l-ilmenti se jsiru disponibbli bi spjegazzjonijiet orali u sħaħ dwar it-trattament waqt il-laqgħat plenarji. L-OLAF se jagħmel kull korrispondenza sottostanti disponibbli għall-Kumitat.

66.

Din il-proċedura, miftiehma bejn il-Kumitat u d-Direttur Ġenerali tal-OLAF hija mistennija li tkun ta’ titjib fuq il-proċedura preċedenti.

VALUTAZZJONI TAL-PRIJORITAJIET TA’ POLITIKA TA’ INVESTIGAZZJONI TAL-OLAF U TAL-LINJI GWIDA DWAR L-INVESTIGAZZJONI

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 jistipula li:

“Id-Direttur Ġenerali għandu jiddetermina kull sena, fil-kuntest tal-pjan ta’ ġestjoni annwali, il-prijoritajiet tal-politika ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju u għandu, qabel il-pubblikazzjoni tagħhom, jibgħathom lill-Kumitat ta’ Sorveljanza.”

L-Artikolu 5(1):“id-Deċiżjoni mid-DĠ tal-OLAF dwar jekk tinfetaħx investigazzjoni jew le għandha tqis il-prijoritajiet tal-politika ta’ investigazzjoni u l-pjan annwali ta’ ġestjoni tal-Uffiċċju.”

L-Artikolu 16(2) Skambju ta’ fehmiet mal-istituzzjonijiet

2.   L-iskambju ta’ fehmiet jista’ jkun relatat ma’:

(a) il-prijoritajiet strateġiċi għall-politiki ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju”.

67.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza eżamina l-abbozz tal-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni tal-OLAF (PPIs) għall-2019 u osserva li l-OLAF kien qed iżomm l-approċċ ta’ politika ta’ investigazzjoni reattiva ta’ snin preċedenti. Huwa kellu diversi laqgħat mad-Direttur Ġenerali l-ġdid dwar dan is-suġġett u esprima l-fehmiet tiegħu matul l-iskambju interistituzzjonali ta’ fehmiet f’Settembru.

68.

Il-Kumitat enfasizza l-importanza li l-OLAF jieħu inizjattivi biex jidentifika u janalizza r-riskji fil-ġlieda kontra l-frodi fuq il-bażi ta’ skambju regolari ta’ informazzjoni ma’ Direttorati Ġenerali oħra tal-Kummissjoni. Din il-prattika ta’ ħidma tippermetti lill-OLAF jimplimenta politika ta’ investigazzjoni proattiva u jiffoka fuq l-aktar każijiet serji u kumplessi. Is-settur tal-intelligence tal-OLAF għandu jagħmel ukoll valutazzjonijiet tar-riskju bħala inizjattiva regolari. Il-Kumitat ħeġġeġ li dawn il-mekkaniżmi jiġu żviluppati mill-OLAF kemm jista’ jkun malajr fid-dawl tat-twaqqif tal-UPPE.

69.

Il-Prijoritajiet ta’ Politika ta’ Investigazzjoni (PPIs) tal-OLAF għall-2019 żammew approċċ simili ħafna għal dak li ttieħed fi snin preċedenti, b’enfasi fuq l-oqsma li ġejjin:

(i)

każijiet fir-rigward ta’ proġetti tan-netwerk tat-trasport u l-infrastruttura, b’mod partikolari proċeduri ta’ akkwist pubbliku;

(ii)

każijiet li jikkonċernaw proġetti ffinanzjati jew kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (21), il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u l-Fondi ta’ Qabel l-Adeżjoni, li fihom l-azzjoni mill-Istati Membri jew mill-pajjiżi kandidati tista’ tkun insuffiċjenti jew li jkollha elementi transkonfinali;

(iii)

każijiet li jindikaw il-possibbiltà ta’ abbużi ta’ regoli tal-oriġini, klassifikazzjoni tariffarja kemm f’reġimi kummerċjali preferenzjali kif ukoll f’dawk mhux preferenzjali u frodi relatati mal-valur, sabiex jiġi evitat il-ħlas ta’ dazji doganali konvenzjonali, inklużi miżuri tariffarji li huma parti mill-politika ta’ difiża kummerċjali tal-UE;

(iv)

każijiet ta’ kuntrabandu ta’ tabakk, alkoħol, mediċini foloz u oġġetti oħra perikolużi għas-saħħa u s-sigurtà li jistgħu jkunu suspettati li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-UE; il-manifattura illegali tat-tabakk;

(v)

każijiet li jikkonċernaw għajnuna umanitarja u ta’ żvilupp mogħtija lil migranti, refuġjati u persuni spostati internament; u appoġġ ieħor ipprovdut lil dawn il-gruppi fil-mira.

70.

Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF informa lill-Kumitat li l-PPIs tiegħu ġew stabbiliti bl-użu ta’ kontributi mill-partijiet interessati, inklużi kontribuzzjonijiet min-Netwerk tal-Kummissjoni għall-Prevenzjoni u d-Detezzjoni tal-Frodi, ir-rapporti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u r-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji.

71.

Madankollu, l-OLAF ta ħarsa ġenerali lejn il-Kumitat dwar l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-politika ta’ investigazzjoni għall-2018, adottat b’approċċ simili ħafna. B’kollox infetħu 219 investigazzjoni u 30 każ ta’ koordinazzjoni fl-2018, fuq il-bażi ta’ informazzjoni li waslet mill-OLAF. Minn dawn, 56 investigazzjoni u 19-il każ ta’ koordinazzjoni waqgħu taħt il-PPIs tal-2018 (dan jirrappreżenta 25,6 % tal-investigazzjonijiet miftuħa u 63 % tal-każijiet ta’ koordinazzjoni miftuħa). Peress li din l-informazzjoni hija limitata ħafna, ma tippermettix lill-Kumitat jivvaluta n-numru ta’ każijiet miftuħa għal kull settur u għal kull direttorat. L-OLAF għadu ma spjegax lill-Kumitat għaliex il-perċentwal tal-każijiet li saru skont il-PPIs (25 %) huwa tant baxx.

72.

B’riżultat ta’ dan, madwar 75 % tal-investigazzjonijiet tal-OLAF ma jaqgħux taħt il-PPIs tiegħu stess, li hija rata ogħla mis-sena ta’ qabel. Il-Kumitat talab lill-OLAF għal aktar informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet li ammontaw għal 75 % u dwar ir-raġunijiet għat-teħid ta’ dawk id-deċiżjonijiet. Il-Kumitat għandu dubji dwar l-approċċ tal-OLAF, li ma jippermettix lill-Uffiċċju jagħti prijorità lill-investigazzjonijiet.

73.

Il-Kumitat jikkonkludi li hemm bżonn ta’ bidliet radikali fl-approċċ tal-OLAF għall-prijoritajiet tal-politika ta’ investigazzjoni tiegħu stess, biex jiġu żgurati l-effiċjenza u l-effikaċja tal-investigazzjonijiet tal-OLAF u l-allokazzjoni tar-riżorsi, li huma essenzjali jekk l-Uffiċċju għandu jopera b’mod effettiv.

RELAZZJONIJIET MAL-OLAF, MAL-ISTITUZZJONIJIET TAL-UE, MAL-IMSIEĦBA TAL-OLAF U MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

Laqgħat ma’ istituzzjonijiet, korpi u aġenziji oħra tal-UE

74.

Peress li huwa korp interistituzzjonali, il-Kumitat ta’ Sorveljanza identifika bħala prijorità ż-żamma ta’ kuntatti regolari mal-istituzzjonijiet tal-UE u msieħba tal-OLAF u l-partijiet interessati. Kien partikolarment konxju tal-importanza tat-titjib tal-fluss ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet. Sabiex jiġu segwiti dawn l-objettivi u biex jinkiseb rispons dwar il-prestazzjoni ta’ OLAF, il-Kumitat iltaqa’ fuq bażi regolari mal-Kummissarju responsabbli għall-OLAF u s-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) tal-Parlament Ewropew u l-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill kontra l-frodi fil-Kunsill. Il-Kumitat zar lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u stieden lill-Ombudsman Ewropew għal-laqgħa plenarja tiegħu. Dawk il-laqgħat kienu l-okkażjoni għal skambji ta’ valur u l-iżvilupp ta’ relazzjoni kostruttiva. Matul il-perjodu ta’ rappurtar il-Kumitat stieden regolarment lid-Direttur Ġenerali u lill-maniġers tal-OLAF għal-laqgħat plenarji tiegħu. Il-Kumitat qed iħares’ il quddiem li jżomm kuntatt eqreb mat-timijiet investigazzjoni u operattivi tal-OLAF.

75.

Il-Kumitat ikkontribwixxa b’mod attiv għall-iskambju ta’ fehmiet mal-istituzzjonijiet, kif stabbilit fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 b’mod partikolari fl-oqsma tal-IPPs, it-tul tal-investigazzjonijiet, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali, ir-relazzjonijiet futuri bejn l-OLAF u l-UPPE u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-OLAF fid-dawl tal-istabbiliment tal-UPPE.

IL-GOVERNANZA TAL-KUMITAT TA’ SORVELJANZA TAL-OLAF

Is-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, il-metodi ta’ ħidma u l-kwistjonijiet baġitarji

76.

Is-Segretarjat għandu rwol ewlieni biex jiffaċilita u jikkontribwixxi għat-twettiq tal-kompiti kollha li jwettaq il-Kumitat ta’ Sorveljanza u biex jiżgura li jkun jista’ jissodisfa l-mandat legali tiegħu b’indipendenza sħiħa. F’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, is-Segretarjat jaħdem taħt l-awtorità diretta tal-Kumitat u indipendentement mill-Kummissjoni. L-allokazzjoni ta’ numru adegwat ta’ persunal bil-ħiliet u l-kompetenzi xierqa hija essenzjali biex il-Kumitat iwettaq il-kompiti tiegħu.

77.

Is-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza huwa magħmul minn persunal tal-UE, avukati u assistenti li jimmonitorjaw l-attivitajiet tal-OLAF ta’ kuljum u jgħinu lill-membri tal-Kumitat iwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod effiċjenti, bil-għan li tissaħħaħ l-indipendenza tal-OLAF.

78.

Wara emenda għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 (22), is-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza huwa pprovdut mill-Kummissjoni, indipendentement mill-OLAF u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat. Fi Frar 2017, amministrattivament is-Segretarjat kien marbut mal-Uffiċċju għall-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali tal-Kummissjoni Ewropea (PMO) u ma jidhirx li huwa marbut mal-Kumitat ta’ Sorveljanza fl-organigramma. Issa, aktar minn sentejn wara li ċċaqilqu lejn il-PMO, wieħed jista’ jara li din il-bidla kellha impatt negattiv fuq il-mod kif jaħdem is-Segretarjat.

79.

Fir-rigward tal-pożizzjoni tas-Segretarjat barra miż-żona ta’ sigurtà tal-OLAF, il-Kumitat esprima wkoll it-tħassib tiegħu u tenna l-pożizzjoni tiegħu li post xieraq fiż-żona ta’ sigurtà tal-OLAF jippermetti bl-aħjar mod lis-Segretarjat biex iwettaq il-mandat tiegħu b’mod effiċjenti.

80.

Is-Segretarjat kellu nuqqas kbir ta’ persunal minn Frar 2017 u s-sitwazzjoni ma tjibitx matul il-perjodu ta’ rappurtar. Dan in-nuqqas ta’ persunal kien ta’ tħassib kbir għall-Kumitat. Inevitabbilment, dan affettwa l-pjan ta’ ħidma tiegħu, u dan wassal biex il-Kumitat jiddiskuti din il-kwistjoni b’mod serju f’diversi okkażjonijiet mal-Kummissarju għall-Baġit u r-Riżorsi Umani, is-Sur Oettinger, u mad-Direttur Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà, is-Sa Souka.

81.

Fi tmiem l-2018, is-Segretarjat tal-Kumitat irrekluta amministratur ġdid li ħa l-kariga f’April 2019, iżda llum għad fadal ieħor post ieħor battal u għandu jimtela kemm jista’ jkun malajr. Huwa talab ukoll lill-Kummissjoni biex tippubblika l-pożizzjoni tal-Kap tas-Segretarjat li kien sar vakanti f’Novembru 2018. Il-pożizzjoni ġiet irreklamata fuq livell maniġerjali għoli u għaddej il-proċess tal-għażla. Il-Kummissjoni teħtieġ il-kunsens tal-Kumitat biex taħtar il-membri tas-Segretarjat. Huwa essenzjali li jkun involut fil-proċess ta’ reklutaġġ li jiggarantixxi li l-għażla tal-membri tas-Segretarjat tkun ġenwinament indipendenti. L-uffiċjali assenjati lis-Segretarjat qatt ma għandhom ifittxu jew jieħdu istruzzjonijiet minn xi gvern jew xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija relatati mal-eżerċitar tal-funzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-Kumitat.

82.

Il-Kumitat informa lill-OLAF, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li għandu jinstab post aktar xieraq għas-Segretarjat tiegħu, peress li r-riforma tar-Regolament tal-OLAF hija opportunità biex din il-kwistjoni tiġi kkunsidrata mill-ġdid. Il-Kumitat huwa mħeġġeġ mill-proposta tal-Parlament biex tiġi modifikata d-dispożizzjoni attwali tas-Segretarjat fir-Regolament fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 (23). Din il-bidla se tippermetti lit-tliet Istituzzjonijiet tal-UE u lill-Kumitat biex jikkunsidraw l-għażliet kollha possibbli għall-aħjar post fejn ikun jista’ jiġi integrat u lokalizzat is-Segretarjat tiegħu, inkluża l-opzjoni oriġinali li jerġa’ jiġi integrat mal-OLAF taħt l-awtorità tal-Kumitat u b’dispożizzjonijiet attwali simili għall-funzjonament indipendenti tiegħu.

83.

Fl-2018, il-Kumitat ta’ Sorveljanza kellu ħdax-il laqgħa plenarja. Il-President, ir-relaturi u l-membri tas-Segretarjat tal-Kumitat iltaqgħu b’mod regolari wkoll biex jaħdmu fuq kwistjonijiet partikolari. Għal kull kwistjoni ewlenija eżaminata, il-Kumitat ta’ Sorveljanza ħatar relatur. Ir-relaturi ħadmu mas-Segretarjat biex iħejju abbozzi ta’ rapporti, opinjonijiet jew dokumenti biex jiġu diskussi fil-laqgħat plenarji. Huma ltaqgħu wkoll mal-maniġment tal-OLAF u mal-persunal bħala parti mit-tħejjija tal-opinjonijiet u r-rapporti tal-Kumitat ta’ Sorveljanza. Il-Kumitat iddiskuta mal-OLAF l-opinjonijiet tiegħu qabel ma ġew adottati.

84.

Il-baġit tal-Kumitat għas-sena koperta minn dan ir-rapport kien ta’ EUR 200 000, u l-livell ta’ eżekuzzjoni tal-baġit kien ta’ 93,4 %. L-uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega responsabbli għan-nefqa huwa d-Direttur tal-PMO.

85.

Sabiex tiġi żgurata trasparenza massima ta’ ħidmietu, il-Kumitat ta’ Sorveljanza jippubblika dokumenti ta’ interess pubbliku fuq il-websajt interistituzzjonali tiegħu (http://europa.eu/supervisory-committee-olaf/).

(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(2)  Minn Lulju 2018 sa Ġunju 2019.

(3)  Proposta għal Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF (COM(2018)0338 – C8-0214/2018 – 2018/0170(COD) http://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-8-2019-0383_MT.html

(4)  Ittra tal-Kumitat ta’ Sorveljanza lill-President tal-Kumitat CONT tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Novembru 2018.

(5)  Ara l-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza Nru 2/2017 li takkumpanja r-rapport ta’ Evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (l-Artikolu 19).

(6)  Ara l-Artikolu 15.8 “Kumitat ta’ Sorveljanza” li minnhom tħassru l-kliem “indipendentement mill-Uffiċċju [OLAF]”. “Is-Segretarjat tiegħu se jiġi pprovdut mill-Kummissjoni u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat ta’ Sorveljanza”.

(7)  Ara r-Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew: L-Artikolu 5 6 a (ġdid) “ftuħ ta’ investigazzjonijiet”; L-Artikolu 7, il-paragrafu 8 u l-paragrafu 8 a (ġdid) “proċedura ta’ investigazzjoni”; L-Artikolu 15, il-paragrafu 1, is-subparagrafu 5 “Kumitat ta’ Sorveljanza”; L-Artikolu 11, il-paragrafu 1, is-subparagrafu 2 “rapport ta’ investigazzjonijiet u azzjoni li għandha tittieħed wara l-investigazzjonijiet”; L-Artikolu 17, il-paragrafu 9, is-subparagrafu 1 “Id-Direttur Ġenerali”.

(8)  Ara l-Artikolu 12c (5) “Rappurtar lill-UPPE ta’ kwalunkwe mġiba kriminali li fuqha jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu”

(9)  Ara l-Artikolu 12d, l-ewwel paragrafu, is-subparagrafu 1 “Non-duplikazzjoni ta’ investigazzjonijiet” u l-Artikolu 12d, il-paragrafu 1a (ġdid) ibbażati fuq suġġeriment mill-Kumitat ta’ Sorveljanza li jinsab fl-ittra tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2018.

(10)  Ara l-artikolu 12e paragrafu 2 “l-appoġġ tal-Uffiċċju lill-UPPE”l-istruttura l-ġdida u l-addendum huma bbażati fuq suġġeriment mill-Kumitat ta’ Sorveljanza fl-ittra tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2018 u 12e) paragrafu 2a (ġdid) jinkludi suġġerimenti mill-Kumitat ta’ Sorveljanza fl-ittra tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2018.

(11)  Ara l-Artikolu 12 g paragrafu 1 “Arranġamenti ta’ ħidma u skambju mal-UPPE”.

(12)  Ara l-Opinjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza Nru 1/2018 u Nru 1/2019: Il-websajt tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF: http://europa.eu/supervisory-committee-olaf/opinions-and-reports

(13)  Ara r-Rapport ta’ Attività tal-2017 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, mill-punt 24 sa 29: Il-websajt tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF: http://europa.eu/supervisory-committee-olaf/opinions-and-reports

(14)  Ara l-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza Nru 1/2017 dwar l-Abbozz Preliminari tal-Baġit 2018 u l-Opinjoni Nru 2/2017 li takkumpanja r-rapport ta’ Evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (l-Artikolu 19) http://europa.eu/supervisory-committee-olaf/opinions-and-reports.

(15)  Ara l-Pjanijiet ta’ Ġestjoni għall-2018 u l-2019 tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), p. 5: mira għall-perċentwal ta’ investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin li damu aktar minn 20 xahar għall-2018 ġiet indikata bħala inqas minn 30 %.

(16)  Rapporti pprovduti mill-OLAF lill-Kumitat ta’ Sorveljanza fl-2018.

(17)  F’4 % l-OLAF indika r-raġunijiet li ġejjin għaliex ma tlestewx (flimkien ma’ raġunijiet oħra): nuqqas ta’ kooperazzjoni minn organizzazzjonijiet internazzjonali, raġunijiet relatati mal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-OLAF, nuqqas ta’ kooperazzjoni minn operatur ekonomiku jew likwidatur ta’ kumpanija, u analiżi li tieħu ħafna ħin.

(18)  Id-Direttur Ġenerali għandu jinforma lill-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar każijiet li fihom ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu ma jkunux ġew segwiti (l-obbligu huwa stabbilit mill-Artikolu 17(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013).

(19)  Ir-rapport lill-Kumitat ta’ Sorveljanza kopra erba’ każijiet fil-perjodu ta’ rappurtar preċedenti li, bi żball, ma ġewx inklużi fir-rapport preċedenti. In-numru totali ta’ każijiet (22) jinkludi dawn l-erbgħa.

(20)  Konferenza dwar “Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji fl-UE: Kooperazzjoni bejn l-OLAF, l-Awtoritajiet Ġudizzjarji u s-Servizz ta’ Infurzar tal-Liġi” li saret fi Brussell fl-20-21 ta’ Ġunju 2019.

(21)  Il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

(22)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2016/2030 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, fir-rigward tas-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 1). Ir-Regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017.

(23)  Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna ta’ dan ir-rapport ta’ attività; Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019: l-Artikolu 15.8 “Kumitat ta’ Sorveljanza” fejn il-kliem “indipendentement mill-Uffiċċju [OLAF]” tħassru.