ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 196

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 62
12 ta' Ġunju 2019


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2019/C 196/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9355 — VW Group/Intel/Allied Holdings/JV) ( 1 )

1

2019/C 196/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9372 — EPH/AES Ballylumford/AES Kilroot Power) ( 1 )

1

2019/C 196/03

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9380 — Bâloise/Fidea) ( 1 )

2


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2019/C 196/04

Rata tal-kambju tal-euro

3

2019/C 196/05

Opinjoni tal-Kumitat konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tas-6 ta’ Awwissu 2018 dwar abbozz ta’ deċiżjoni relatat mal-Każ M.8480 — Praxair/Linde — Relatur: L-Ungerija ( 1 )

4

2019/C 196/06

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (M.8480 — Praxair/Linde) ( 1 )

6

2019/C 196/07

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Awwissu 2018 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ M.8480 — Praxair/Linde) (notifikat bid-dokument C(2018) 5534)  ( 1 )

8

2019/C 196/08

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi l-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/622/KE ( 1 )

16


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2019/C 196/09

Sejħa għall-proposti 2018 — EAC/A01/2019 — Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà — Timijiet ta’ Volontarjat f’Oqsma ta’ Prijorità Għolja

22

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2019/C 196/10

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.9327 — YZJ Group/Mitsui E&S Group/Mitsui & CO Group/JV) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

25


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

12.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 196/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.9355 — VW Group/Intel/Allied Holdings/JV)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 196/01)

Fid-29 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32019M9355. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


12.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 196/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.9372 — EPH/AES Ballylumford/AES Kilroot Power)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 196/02)

Fl-4 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32019M9372. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


12.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 196/2


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.9380 — Bâloise/Fidea)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 196/03)

Fil-5 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32019M9380. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

12.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 196/3


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-11 ta’ Ġunju 2019

(2019/C 196/04)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1320

JPY

Yen Ġappuniż

123,09

DKK

Krona Daniża

7,4687

GBP

Lira Sterlina

0,89085

SEK

Krona Żvediża

10,6828

CHF

Frank Żvizzeru

1,1233

ISK

Krona Iżlandiża

140,50

NOK

Krona Norveġiża

9,7700

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,640

HUF

Forint Ungeriż

320,50

PLN

Zloty Pollakk

4,2678

RON

Leu Rumen

4,7252

TRY

Lira Turka

6,5752

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6273

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5002

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,8700

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7206

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5446

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 337,48

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

16,7140

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,8243

HRK

Kuna Kroata

7,4140

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 116,85

MYR

Ringgit Malażjan

4,7123

PHP

Peso Filippin

58,810

RUB

Rouble Russu

73,0227

THB

Baht Tajlandiż

35,403

BRL

Real Brażiljan

4,3893

MXN

Peso Messikan

21,6783

INR

Rupi Indjan

78,6155


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


12.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 196/4


Opinjoni tal-Kumitat konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tas-6 ta’ Awwissu 2018 dwar abbozz ta’ deċiżjoni relatat mal-Każ M.8480 — Praxair/Linde

Relatur: L-Ungerija

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 196/05)

Ġurisdizzjoni

1.

Il-Kumitat Konsultattiv (tmien Stati Membri) jaqbel mal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata tikkostitwixxi f’konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20.1.2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (“ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”) (1).

2.

Il-Kumitat Konsultattiv (tmien Stati Membri) jaqbel mal-Kummissjoni li l-operazzjoni notifikata għandha dimensjoni tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

Definizzjoni tas-swieq

3.

Il-Kumitat Konsultattiv (tmien Stati Membri) jaqbel mal-konklużjonijiet li saru mill-Kummissjoni fl-abbozz tad-Deċiżjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-prodotti u tas-swieq ġeografiċi rilevanti għal:

a.

Il-provvista ta’ gassijiet industrijali;

b.

Il-provvista ta’ gassijiet mediċi;

c.

Il-provvista ta’ gassijiet ta’ speċjalità;

d.

Il-provvista tal-elju;

e.

Il-provvista ta’ impjanti ta’ proċess u ta’ komponenti ta’ impjanti ta’ proċess;

f.

Il-provvista ta’ servizzi respiratorji fid-djar;

g.

Il-provvista ta’ servizzi tal-kisi tal-wiċċ.

Il-valutazzjoni kompetittiva

4.

Il-Kumitat Konsultattiv (tmien Stati Membri) jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva bħala riżultat ta’ effetti mhux koordinati orizzontali:

a.

Fis-swieq għall-provvista ta’ gassijiet industrijali identifikati fit-Taqsima 8.14 tal-abbozz ta’ Deċiżjoni;

b.

Fis-swieq għall-provvista ta’ gassijiet mediċi identifikati fit-Taqsima 8.14 tal-abbozz tad-Deċiżjoni;

c.

Fis-swieq għall-provvista ta’ gassijiet nobbli u ta’ taħlitiet ta’ gass nobbli identifikati fit-Taqsima 8.14 tal-abbozz ta’ Deċiżjoni;

d.

Fis-swieq għall-provvista ta’ gassijiet ta’ speċjalità elettroniċi identifikati fit-Taqsima 8.14 tal-abbozz tad-Deċiżjoni;

e.

Fis-swieq għall-provvista ta’ gassijiet kimiċi identifikati fit-Taqsima 8.14 tal-abbozz tad-Deċiżjoni;

f.

Fis-swieq għall-provvista ta’ gassijiet ta’ kalibrazzjoni u taħlitiet oħra ta’ gassijiet identifikati fit-Taqsima 8.14 tal-abbozz tad-Deċiżjoni;

g.

Fis-suq għall-forniment bl-ingrossa tal-elju;

h.

Fis-swieq għall-forniment bl-imnut tal-elju identifikat fit-Taqsima 8.14 tal-abbozz tad-Deċiżjoni;

i.

Fis-swieq għall-provvista ta’ servizzi respiratorji fid-djar fil-Portugall u fi Spanja.

5.

Il-Kumitat Konsultattiv (tmien Stati Membri) jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva bħala riżultat ta’ effetti vertikali mhux koordinati fir-rigward tar-rabtiet vertikali bejn is-suq upstream għall-forniment bl-ingrossa tal-elju u s-swieq downstream għall-provvista bl-imnut tal-elju.

6.

Il-Kumitat Konsultattiv (tmien Stati Membri) jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata mhix probabbli li twassal għal impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva minħabba:

a.

Effetti orizzontali mhux koordinati fis-swieq minbarra dawk indikati4;

b.

Effetti orizzontali koordinati;

c.

Effetti vertikali mhux koordinati minbarra dawk relatati mal-konnessjonijiet vertikali bejn is-suq upstream għall-forniment bl-ingrossa tal-elju u s-swieq downstream għall-provvista bl-imnut tal-elju.

Impenji

7.

Il-Kumitat Konsultattiv (tmien Stati Membri) jaqbel mal-Kummissjoni li l-impenji finali offruti mill-Partijiet Notifikanti fl-10 ta’ Lulju 2018 ineħħu kull xkiel sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva identifikati fl-abbozz tad-Deċiżjoni.

8.

Il-Kumitat Konsultattiv (tmien stati Membri) jaqbel mal-Kummissjoni li, soġġett għall-konformità sħiħa mal-impenji finali offruti mill-Partijiet Notifikanti fl-10 ta’ Lulju 2018, it-tranżazzjoni notifikata ma jidhirx li se tfixkel b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu.

Kompatibbiltà mas-suq intern u mal-Ftehim dwar iż-ŻEE

9.

Il-Kumitat Konsultattiv (tmien Stati Membri) jaqbel mal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata għalhekk trid tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE f’konformità mal-Artikoli 2(2) u 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


12.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 196/6


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

(M.8480 — Praxair/Linde)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 196/06)

1.   

Fit-12 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) irċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2) li f’konformità magħha Praxair, Inc. (“Praxair”) u Linde AG (“Linde”) jidħlu f’fużjoni sħiħa, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (“it-Tranżazzjoni”). Minn hawn ’il quddiem Linde u Praxair huma kollettivament imsejħa il-“Partijiet”. In-negozju ewlieni tal-Partijiet huwa l-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-gassijiet.

2.   

L-ewwel fażi tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tat-Tranżazzjoni mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE. Fis-16 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni biex tibda proċedimenti f’konformità mal-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (id-“Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c)”).

3.   

Fit-22 ta’ Frar 2018, it-tieni fażi tal-perjodu tal-investigazzjoni ġie estiż b’għaxart ijiem tax-xogħol fuq talba tal-Partijiet f’konformità mat-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

4.   

Filwaqt li l-Partijiet għażlu li ma jirrispondux għad-Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c), fid-9 u l-15 ta’ Marzu 2018, huma ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar aspetti li għalihom talbu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra mill-ġdid il-konklużjonijiet preliminari tagħha.

5.   

Fil-15 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, wara li Linde ma pprovdietx informazzjoni sħiħa bi tweġiba għal talba għall-informazzjoni mingħand il-Kummissjoni. Din id-deċiżjoni ssospendiet il-limiti ta’ żmien imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Is-sospensjoni tal-limitu ta’ żmien skadiet fid-19 ta’ Marzu 2018 wara li Linde ippreżentat l-informazzjoni meħtieġa.

6.   

Fil-31 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) li tistabbilixxi l-fehma preliminari tagħha li t-Tranżazzjoni tkun timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva f’ parti sostanzjali tas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u t-territorju skont it-tifsira tal-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE għall-provvista ta’ firxa wiesgħa ta’ gassijiet (gassijiet industrijali, gassijiet mediċinali, gassijiet ta’ speċjalità, gassijiet nobbli u elju) u servizzi relatati minħabba effetti mhux koordinati orizzontali u vertikali.

7.   

Il-Partijiet ingħataw aċċess għall-fajl fl-1 ta’ Ġunju 2018 u wara fuq bażi kontinwa. L-aċċess għal data u informazzjoni kunfidenzjali ingħata lill-konsulenti ekonomiċi tal-Partijiet wara proċedura tal-kamra tad-data. Jien ma rċevejt l-ebda talbiet għal aċċess għall-fajl abbażi tal-Artikolu 7 tat-Termini ta’ Referenza.

8.   

Il-Partijiet issottomettew it-tweġiba tagħhom għad-DO fl-14 ta’ Ġunju 2018. Il-Partijiet ma talbux l-opportunità li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom f’seduta formali.

9.   

Jiena aċċettajt lil Air Liquide, kompetitur tal-Partijiet, bħala persuna terza interessata f’dawn il-proċedimenti. Air Liquide ġiet ipprovduta b’verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO u ngħatat limitu ta’ żmien biex tippreżenta l-fehmiet tagħha.

10.   

Fl-20 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni estendiet il-proċedura b’total ta’ għaxart ijiem tax-xogħol, f’konformità mat-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Fl-istess ġurnata, il-Partijiet ippreżentaw sett ta’ impenji formali biex jindirizzaw it-tħassib imqajjem mill-Kummissjoni. Abbażi ta’ rispons miksub mit-test tas-suq ta’ dawn l-impenji, il-Partijiet ippreżentaw sett emendat ta’ impenji fl-4 ta’ Lulju 2018 u ieħor fl-10 ta’ Lulju 2018 (l-“Impenji Finali”).

11.   

Fl-abbozz ta’ Deċiżjoni, il-Kummissjoni ssib li l-Impenji Finali huma suffiċjenti fl-ambitu u xierqa biex ineħħu kompletament l-impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva li t-Tranżazzjoni kif innotifikata mingħajr dawn l-impenji kienet se tikkawża, għaldaqstant l-Impenji Finali jrendu t-Tranżazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim taż-ŻEE.

12.   

Jien eżaminajt l-abbozz tad-Deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 16(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE u kkonkludejt li jittratta biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

13.   

B’mod ġenerali, inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali ġie rrispettat matul il-proċedimenti f’dan il-każ.

Brussell, is-7 ta’ Awwissu 2018.

Joos STRAGIER


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29), (it-“Termini ta’ Referenza”).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1) (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).


12.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 196/8


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-20 ta’ Awwissu 2018

li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE

(Il-Każ M.8480 — Praxair/Linde)

(notifikat bid-dokument C(2018) 5534)

(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 196/07)

Fl-20 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (1) , u b’mod partikolari, l-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa, billi l-każ jista’ jkun fil-forma ta’ verżjoni provviżorja, hija disponibbli fl-ilsien awtentiku tal-każ fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, f’dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/index.cfm?clear=1&policy_area_id=2

I.   INTRODUZZJONI

(1)

Fit-12 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) irċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li permezz tagħha Praxair, Inc. (“Praxair”) u Linde AG (“Linde”) jidħlu f’fużjoni sħiħa, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (“it-Tranżazzjoni”). It-Tranżazzjoni titwettaq permezz ta’ akkwist ta’ ishma f’kumpanija ġdida. Linde u Praxair huma minn hawn ’il quddiem imsejħa kollettivament l-“Partijiet Notifikanti” u kull waħda b’mod individwali bħala “il-Parti Notifikanti”.

II.   IL-PARTIJIET U T-TRANŻAZZJONI

(2)

Praxair u Linde t-tnejn huma gruppi internazzjonali ta’ kumpaniji attivi fil-provvista ta’ firxa wiesgħa ta’ gassijiet (gassijiet industrijali, gassijiet mediċinali, gassijiet ta’ speċjalità, u elju) u servizzi relatati, b’mod partikolari, servizzi ta’ kura fid-djar għal pazjenti bi problemi respiratorji, kif ukoll servizzi ta’ inġinerija u ta’ kostruzzjoni ta’ impjanti. Barra minn hekk, Praxair huwa attiv wkoll fil-forniment ta’ teknoloġiji tal-kisi tal-wiċċ.

(3)

Fl-1 ta’ Ġunju 2017, Praxair u Linde waslu għall-ftehim ta’ kombinament ta’ negozju li permezz tiegħu urew l-intenzjoni tagħhom li jgħaqqdu n-negozji tagħhom f’hekk imsejħa “fużjoni bejn impriżi ugwali”. It-Tranżazzjoni tinvolvi l-ħolqien ta’ kumpanija ġdida inkorporata fl-Irlanda, bl-isem ta’ “Linde plc” (“New HoldCo”), u hija strutturata, għall-azzjonisti ta’ Linde, bħala offerta ta’ skambju skont il-liġi Ġermaniża, u, għal Praxair, bħala fużjoni trijangolari inversa skont il-liġi ta’ Delaware. B’riżultat ta’ dan, il-Partijiet Notifikanti se jkunu sussidjarji li jappartjenu għalkollox lil New HoldCo, fejn l-azzjonisti ta’ Praxair u ta’ Linde se jkollhom, rispettivament u fuq bażi dilwita għalkollox, madwar 50 % tal-ishma kull wieħed.

(4)

Jirriżulta li t-Tranżazzjoni hija konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

III.   DIMENSJONI TAL-UNJONI

(5)

L-impriżi kkonċernati għandhom flimkien fatturat dinji aggregat ta’ iktar minn EUR 5 000 miljun. Kull waħda minnhom, fl-UE kollha għandha fatturat ta’ aktar minn EUR 250 miljun, iżda ma jilħqux aktar minn żewġ terzi tal-fatturat aggregat tagħhom fl-UE kollha fl-istess Stat Membru. It-Tranżazzjoni notifikata għandha dimensjoni tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

IV.   IL-PROĊEDURA

(6)

Wara eżami preliminari tan-notifika u abbażi tal-ewwel fażi tal-investigazzjoni tas-suq, fis-16 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċeduri skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (“id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c)”). Skont id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c), il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Tranżazzjoni qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE.

(7)

Fit-22 ta’ Frar 2018, it-tieni fażi tal-perjodu tal-investigazzjoni ġie estiż b’għaxart ijiem tax-xogħol fuq talba tal-Partijiet Notifikanti skont l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(8)

Fid-9 u fil-15 ta’ Marzu 2018, il-Partijiet Notifikanti ppreżentaw dokumenti dwar aspetti li għalihom talbu lill-Kummissjoni biex terġa’ tikkunsidra l-konklużjonijiet preliminari tagħha skont id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c) (flimkien imsejħin bħala “id-Dokumenti Tematiċi”).

(9)

Fil-15 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, wara li Linde ma pprovdietx informazzjoni sħiħa bi tweġiba għal talba għall-informazzjoni mingħand il-Kummissjoni (id-“Deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tal-15 ta’ Marzu 2018”). Id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tal-15 ta’ Marzu 2018 issospendiet l-iskadenzi tat-terminu msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004. Linde wieġbet għall-RFI inkwistjoni fid-19 ta’ Marzu 2018 u s-sospensjoni skadiet fit-tmiem ta’ dak il-jum.

(10)

Abbażi tat-tieni fażi tal-investigazzjoni li ssupplimentat is-sejbiet tal-ewwel fażi tal-investigazzjoni, fil-31 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni ppubblikat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Protokoll 21 tal-Ftehim ŻEE (“id-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet”).

(11)

Fl-14 ta’ Ġunju 2018, il-Partijiet Notifikanti ppreżentaw it-tweġiba bil-miktub tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (“ir-Risposta għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet”).

(12)

Fl-20 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni sabiex testendi l-proċedura b’total ta’ għaxart ijiem tax-xogħol, skont it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(13)

Sabiex jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni, il-Partijiet Notifikanti ressqu l-ewwel sensiela ta’ impenji fl-20 ta’ Ġunju 2018 (l-“Impenji Inizjali”). Fit-22 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni nediet eżami tas-suq tal-Impenn Inizjali.

(14)

Abbażi tar-riżultati tal-eżami tas-suq, il-Kummissjoni tat lill-Partijiet Notifikanti l-feedback tagħha dwar l-Impenji Inizjali. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Impenji Inizjali kienu kapaċi jeliminaw għalkollox it-tħassib dwar il-kompetizzjoni fis-swieq kollha fejn ġie identifikat tħassib.

(15)

Għalhekk, fl-10 ta’ Lulju 2018, il-Partijiet Notifikanti ressqu sett ieħor ta’ impenji (l-“Impenji Finali”), li huma fl-aspetti materjali kollha identiċi għall-Impenji Inizjali u fihom biss ftit emendi għal dawn tal-aħħar.

(16)

Il-Kumitat Konsultattiv iddiskuta l-abbozz tad-deċiżjoni finali fis-6 ta’ Awwissu 2018 u ħareġ opinjoni favorevoli.

V.   MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

A.   Is-swieq rilevanti

1.   Gassijiet industrijali

(17)

Fir-rigward tal-gassijiet industrijali, is-swieq tal-prodotti rilevanti huma:

Swieq relatati mal-provvista ta’ tunnellaġġ ta’ kull wieħed mill-gassijiet li ġejjin: ossiġenu, nitroġenu, monossidu tal-karbonju, u dijossidu tal-karbonju (għal kollha kemm huma, inkluż iż-żewġ provvisti permezz ta’ pipeline u permezz ta’ impjanti kbar fuq il-post ta’ aktar minn 100 tpd), kif ukoll l-idroġenu (inkluż iż-żewġ provvisti permezz ta’ pipeline u permezz ta’ impjanti b’kapaċità nominali ta’ iktar minn 0,3 tpd);

Swieq relatati mal-provvista permezz ta’ impjanti żgħar fuq il-post ta’ kull wieħed mill-gassijiet li ġejjin: ossiġenu, nitroġenu (inkluż impjanti b’kapaċità nominali ta’ inqas minn 100 tpd), kif ukoll idroġenu (inkluż impjanti b’kapaċità nominali ta’ inqas minn 0,3 tpd);

Swieq relatati mal-provvista ta’ volum kbir ta’ kull wieħed mill-gassijiet li ġejjin: ossiġenu, nitroġenu, argon, aċetilen, monossidu tal-karbonju, dijossidu tal-karbonju u ossidu nitruż (inklużi provvisti ta’ volumi ta’ bejn 20 u 100 tpd minn bawżers jew vaguni b’tank, u esklużi l-provvisti permezz ta’ impjanti żgħar fuq il-post għall-ossiġenu u nitroġenu), kif ukoll l-idroġenu (inklużi provvisti ta’ volumi taħt 0,3 tpd minn bawżers jew vaguni b’tank, u esklużi l-provvisti permezz ta’ impjanti żgħar fuq il-post);

Swieq relatati mal-provvista taċ-ċilindri ta’ kull wieħed mill-gassijiet li ġejjin (inklużi provvisti ta’ volumi ta’ bejn 1 u 1 000 tunnellata metrika kull xahar permezz ta’ ċilindri): ossiġenu, nitroġenu, argon, idroġenu, u aċetilen, kif ukoll, għal kull gass, is-segmenti possibbli għal gradi ta’ purità standard u gradi ta’ purità għolja;

Swieq relatati mal-provvista taċ-ċilindru ta’ gradi ta’ purità standard ta’ kull monossidu tal-karbonju u ossidu nitruż (gradi ta’ purità għolja għal dawn il-prodotti huma gassijiet ta’ speċjalità li jikkostitwixxu swieq separati);

Suq relatat mal-provvista taċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju, minbarra l-provvisti f’forma solida, kif ukoll is-segmenti possibbli għad-dijossidu tal-karbonju, minbarra l-provvisti f’forma solida, ikkunsinnati fi gradi standard u gradi ta’ purità għolja;

Suq relatat mal-provvista tad-dijossidu tal-karbonju f’forma solida (magħruf bħala silġ niexef).

(18)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tas-swieq tal-gass industrijali huwa:

Mifrux maż-ŻEE għas-swieq relatati mal-provvista tat-tunnellaġġ u l-provvista permezz ta’ impjanti żgħar fuq il-post, kif ukoll, possibbilment, għall-provvista ta’ volum kbir ta’ argon u ossidu nitruż, u għas-segmenti ipotetiċi jew subsegmenti għall-provvista taċ-ċilindru ta’ gradi ta’ purità għolja ta’ ossiġenu, nitroġenu, argon, idroġenu, aċetilen, u dijossidu tal-karbonju;

Nazzjonali, biswit il-fruntieri tal-pajjiż, għas-swieq u s-segmenti l-oħra kollha identifikati hawn fuq, bl-eċċezzjoni tar-reġjun li jinkludi l-Belġju, il-Lussemburgu u n-Netherlands (“il-Benelux”), li jenħtieġ li jitqies bħala dimensjoni ġeografika unika tas-swieq tal-prodotti rilevanti.

2.   Gassijiet mediċinali

(19)

Fir-rigward tal-gassijiet mediċinali, is-swieq tal-prodotti rilevanti huma:

Swieq relatati mal-provvista ta’ volum kbir ta’ kull wieħed mill-gassijiet mediċinali li ġejjin: ossiġenu mediċinali, nitroġenu mediċinali, ossidu nitruż mediċinali, dijossidu tal-karbonju mediċinali;

Swieq relatati mal-provvista taċ-ċilindri ta’ kull wieħed mill-gassijiet mediċinali li ġejjin: ossiġenu mediċinali, nitroġenu mediċinali, ossidu nitruż mediċinali, dijossidu tal-karbonju mediċinali, ossidu nitriku mediċinali, u argon mediċinali.

(20)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tas-swieq tal-gass mediċinali huwa nazzjonali.

3.   Gassijiet ta’ speċjalità

(21)

Fir-rigward tal-gassijiet ta’ speċjalità, is-swieq tal-prodotti rilevanti huma:

Swieq relatati mal-provvista taċ-ċilindri tal-gassijiet nobbli u t-taħlitiet ta’ gass nobbli li ġejjin: kripton, ksenon, neon, taħlitiet ta’ gass kompost brominat, taħlitiet ta’ gass nobbli tal-fluworu, taħlitiet ta’ gass nobbli tal- kloridu tal-idroġenu, taħlitiet ta’ gass nobbli inerti;

Swieq relatati mal-provvista taċ-ċilindri u ta’ volum kbir ta’ gassijiet ta’ speċjalità elettroniċi (ESGs), fejn kull gass jikkostitwixxi suq tal-prodott rilevanti;

Swieq relatati mal-provvista taċ-ċilindri ta’ gassijiet kimiċi, fejn kull gass jikkostitwixxi suq tal-prodott rilevanti;

Swieq relatati mal-provvista taċ-ċilindri tal-kalibrazzjoni li ġejja u taħlitiet oħra tal-gass: taħlitiet ambjentali, taħlitiet ta’ applikazzjoni speċjali, u taħlitiet ta’ kalibrazzjoni oħra;

Swieq relatati mal-provvista taċ-ċilindri ta’ refriġeranti, fejn kull gass jikkostitwixxi suq tal-prodott rilevanti.

(22)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tas-swieq tal-gass ta’speċjalità huwa:

Mifrux maż-ŻEE għas-swieq relatati mal-provvista taċ-ċilindri ta’ gassijiet nobbli u taħlitiet ta’ gass nobbli, u l-provvista taċ-ċilindri u ta’ volum kbir ta’ ESGs;

Nazzjonali għas-swieq relatati mal-provvista taċ-ċilindri ta’ gassijiet kimiċi, taħlitiet ta’ kalibrazzjoni u taħlitiet ta’ gassijiet oħra, u refriġeranti.

4.   Elju

(23)

Fir-rigward tal-elju, is-swieq tal-prodotti rilevanti huma:

Suq relatat mal-provvista bl-ingrossa tal-elju (inkluż l-akkwist tal-elju);

Swieq relatati mal-provvista bl-imnut tal-elju, kif ukoll mas-swieq sekondarji potenzjali li ġejjin: provvista bl-imnut f’tankijiet krijoġeniċi li jistgħu jinġarru, provvista bl-imnut f’kontenituri, provvista bl-imnut fi trejlers li jġorru ċilindri twal, provvista bl-imnut ta’ elju ta’ purità standard f’ċilindri, u provvista bl-imnut ta’ elju ta’ purità għolja f’ċilindri.

(24)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tas-swieq tal-provvista tal-elju huwa:

Globali għas-suq bl-ingrossa tal-elju, kif ukoll għas-suq potenzjali għall-provvista bl-imnut tal-elju f’tankijiet krijoġeniċi li jistgħu jinġarru;

Nazzjonali għas-swieq relatati mal-provvista bl-imnut tal-elju u s-swieq sekondarji possibbli tiegħu (bl-eċċezzjoni tas-suq potenzjali għall-provvista bl-imnut tal-elju f’tankijiet krijoġeniċi li jistgħu jinġarru).

5.   Provvista ta’ impjanti għall-ipproċessar u komponenti tal-impjanti

(25)

Fir-rigward tal-provvista ta’ impjanti għall-ipproċessar u komponenti tal-impjanti, il-prodott u d-definizzjoni tas-suq ġeografiku jistgħu jitħallew miftuħa minħabba li t-Tranżazzjoni mhux probabbli li twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva skont waħda mill-alternattivi irrispettivament mid-definizzjoni tad-definizzjoni tas-suq.

6.   Servizzi ta’ kura respiratorja fid-dar

(26)

Fir-rigward tas-servizzi ta’ kura respiratorja fid-dar, is-swieq tal-prodotti rilevanti huma:

Suq possibbli li jinkludi t-terapiji respiratorji kollha għall-kura fid-dar;

Suq possibbli li jinkludi t-terapiji kollha bbażati fuq l-ossiġenu u suq possibbli separat għal kull terapija bbażata fuq l-ossiġenu separatament, jiġifieri LOX, GOX u COX;

Suq possibbli li jinkludi t-terapiji kollha mhux bl-użu tal-ossiġenu u suq possibbli separat għal kull terapija mhux bl-użu tal-ossiġenu, jiġifieri l-irqad, il-ventilazzjoni u l-aerosol.

(27)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tas-swieq rilevanti għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura respiratorji fid-dar huwa nazzjonali.

7.   Servizzi ta’ kisi tal-wiċċ

(28)

Fir-rigward tas-servizzi ta’ kisi tal-wiċċ, il-prodott u d-definizzjoni tas-suq ġeografiku jistgħu jitħallew miftuħa minħabba li t-Tranżazzjoni mhux probabbli li twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva skont waħda mill-alternattivi irrispettivament mid-definizzjoni tad-definizzjoni tas-suq.

B.   Valutazzjoni kompetittiva

1.   L-effetti unilaterali

(29)

Id-Deċiżjoni tikkonkludi li t-Tranżazzjoni se twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva bħala riżultat ta’ effetti orizzontali mhux ikkoordinati fis-swieq li ġejjin:

(30)

Fir-rigward ta’ gassijiet industrijali:

(a)

fis-swieq tat-tunnellaġġ taż-ŻEE għall-monossidu tal-karbonju, in-nitroġenu u l-ossiġenu, kif ukoll provvista permezz ta’ impjanti żgħar fuq il-post fiż-ŻEE ta’ ossiġenu u nitroġenu, bħala riżultat tal-eliminazzjoni tal-limitazzjonijiet kompetittivi importanti eżerċitati mill-Partijiet Notifikanti, fuq xulxin, kif ukoll fuq il-kompetituri tagħhom li jifdal. Abbażi tal-analiżi tal-offerti, il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-Partijiet Notifikanti huma kompetituri mill-qrib f’dawn is-swieq u li t-Tranżazzjoni x’aktarx telimina forza kompetittiva importanti fis-suq tat-tunnellaġġ taż-ŻEE għall-ossiġenu u fil-provvista ta’ ossiġenu u nitroġenu tal-impjanti żgħar fuq il-post fiż-ŻEE. Il-Kummissjoni sabet li t-tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva li tirriżulta mit-Tranżazzjoni f’dawk is-swieq x’aktarx ma jiġix ibbilanċjat minn restrizzjonijiet kompetittivi oħra li jifdal fis-swieq. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-Tranżazzjoni x’aktarx twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva fil-forma ta’ żidiet fil-prezzijiet;

(b)

fil-maġġoranza l-kbira tas-swieq nazzjonali/tal-Benelux affettwati għall-provvista ta’ volumi kbar u ċilindri ta’ gassijiet industrijali u għall-provvista ta’ silġ niexef, bħala riżultat tal-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti jew, għall-inqas, it-tneħħija ta’ restrizzjoni kompetittiva sinifikanti. Il-Kummissjoni sabet li, f’dawk is-swieq, il-Partijiet Notifikanti huma kompetituri mill-qrib u jeżerċitaw restrizzjonijiet kompetittivi importanti fuq xulxin, kif ukoll fuq il-bqija tal-kompetituri. Il-Kummissjoni sabet ukoll li t-tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva li tirriżulta mit-Tranżazzjoni x’aktarx ma jiġix ibbilanċjat minn restrizzjonijiet kompetittivi oħra li jifdal fis-swieq. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-Tranżazzjoni x’aktarx twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva fil-forma ta’ żidiet fil-prezzijiet;

(31)

Fir-rigward ta’ gassijiet mediċinali: fil-maġġoranza l-kbira tas-swieq affettwati għall-provvista ta’ gassijiet mediċinali b’volum kbir u permezz taċ-ċilindri, bħala riżultat tal-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti jew, mill-inqas, it-tneħħija ta’ restrizzjoni kompetittiva sinifikanti. Il-Kummissjoni sabet li, f’dawk is-swieq, il-Partijiet Notifikanti huma kompetituri mill-qrib u jeżerċitaw restrizzjonijiet kompetittivi importanti fuq xulxin, kif ukoll fuq il-bqija tal-kompetituri. Il-Kummissjoni sabet ukoll li t-tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva li tirriżulta mit-Tranżazzjoni x’aktarx ma jiġix ibbilanċjat minn restrizzjonijiet kompetittivi oħra li jifdal fis-swieq. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-Tranżazzjoni x’aktarx twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva fil-forma ta’ żidiet fil-prezzijiet;

(32)

Fir-rigward ta’ gassijiet ta’ speċjalità, fis-swieq taż-ŻEE għall-provvista taċ-ċilindri ta’gassijiet nobbli u taħlitiet ta’ gass nobbli, is-swieq taż-ŻEE għall-provvista ta’ ESGs permezz ta’ ċilindri u volumi kbar (2), xi swieq nazzjonali għall-provvista taċ-ċilindri ta’ gassijiet kimiċi (3), u xi swieq nazzjonali għall-provvista ta’ taħlitiet ta’ kalibrazzjoni u taħlitiet ta’ gassijiet oħra permezz taċ-ċilindri (4). Dan iseħħ bħala riżultat tal-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti jew, mill-inqas, it-tneħħija ta’ restrizzjoni kompetittiva sinifikanti. Il-Kummissjoni sabet li l-Partijiet Notifikanti huma kompetituri mill-qrib u jeżerċitaw restrizzjonijiet kompetittivi importanti fuq xulxin, kif ukoll fuq il-kompetituri tagħhom li jifdal. Il-Kummissjoni sabet ukoll li t-tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva li tirriżulta mit-Tranżazzjoni f’dawk is-swieq x’aktarx ma jiġix ibbilanċjat minn restrizzjonijiet kompetittivi oħra li jifdal fis-swieq ikkonċernati. Għalhekk, it-Tranżazzjoni x’aktarx twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva fil-forma ta’ żidiet fil-prezzijiet;

(33)

Fir-rigward tal-elju:

(a)

fis-suq bl-ingrossa globali, bħala riżultat tal-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, jew, mill-inqas, it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet kompetittivi importanti. Il-Kummissjoni sabet li s-suq tal-bejgħ bl-ingrossa huwa oligopolistiku u kkaratterizzat minn ostakoli kbar għad-dħul, notevolment minħabba l-iskarsezza tal-elju, li huwa estratt minn numru limitat ta’ sorsi madwar id-dinja. Il-Kummissjoni sabet ukoll li, f’dan is-suq, il-Partijiet Notifikanti huma kompetituri mill-qrib u jeżerċitaw restrizzjonijiet kompetittivi importanti fuq xulxin, kif ukoll fuq il-kompetituri li jifdal. Wara t-Tranżazzjoni, l-entità fuża jkollha b’mod partikolari portafoll ta’ akkwist mingħajr ekwivalenti fis-suq (f’termini ta’ daqs u diversità). Il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva li tirriżulta mit-Tranżazzjoni x’aktarx ma jiġix ibbilanċjat minn restrizzjonijiet kompetittivi oħra li jifdal fis-swieq. Għalhekk, it-Tranżazzjoni x’aktarx twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva fil-forma ta’ żidiet fil-prezzijiet;

(b)

f’numru kbir ta’ swieq affettwati għall-provvista bl-imnut tal-elju (u s-swieq sekondarji potenzjali) bħala riżultat tal-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti jew, mill-inqas, it-tneħħija ta’ restrizzjoni kompetittiva sinifikanti. Il-Kummissjoni sabet li l-Partijiet Notifikanti huma kompetituri mill-qrib u jeżerċitaw restrizzjonijiet kompetittivi importanti kemm fuq xulxin kif ukoll fuq il-kompetituri tagħhom li jifdal. B’mod partikolari, f’bosta pajjiżi taż-ŻEE, l-entità fuża jkollha ishma tas-suq kbar ħafna u numru limitat ta’ kompetituri kredibbli. Il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva li tirriżulta mit-Tranżazzjoni f’dawk is-swieq x’aktarx ma jiġix ibbilanċjat minn restrizzjonijiet kompetittivi oħra li se jifdal fis-swieq ikkonċernati. Għalhekk, it-Tranżazzjoni x’aktarx twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva fil-forma ta’ żidiet fil-prezzijiet;

(34)

Fir-rigward tas-servizzi ta’ kura respiratorji fid-dar (5): fi Spanja u l-Portugall (skont id-definizzjonijiet kollha tas-suq possibbli), minħabba li t-Tranżazzjoni tnaqqas in-numru ta’ atturi sinifikanti minn tlieta għal tnejn, u tħalli lil Air Liquide bħala l-unika alternattiva kredibbli fis-suq (swieq). Il-Kummissjoni sabet ukoll li, fiż-żewġ pajjiżi, il-Partijiet Notifikanti huma kompetituri mill-qrib u jeżerċitaw restrizzjonijiet kompetittivi importanti fuq xulxin u, b’mod aktar ġenerali, fis-suq (swieq). Il-Kummissjoni sabet ukoll li t-tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva li tirriżulta mit-Tranżazzjoni x’aktarx ma jiġix ibbilanċjat minn restrizzjonijiet kompetittivi oħra li se jifdal fis-suq (swieq). Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-Tranżazzjoni x’aktarx twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva fil-forma ta’ żidiet fil-prezzijiet.

(35)

Fir-rigward tas-suq tat-tunnellaġġ taż-ŻEE għall-idroġenu, id-Deċiżjoni tirrikonoxxi li l-evidenza fir-rigward tal-effetti orizzontali mhux ikkoordinati tat-Tranżazzjoni mhijiex daqshekk konvinċenti bħal mhija għas-swieq l-oħra tat-tunnellaġġ. Fi kwalunkwe każ il-Kummissjoni tikkunsidra li m’hemmx bżonn li tikkonkludi dwar l-effetti orizzontali mhux ikkoordinati tat-Tranżazzjoni fis-suq tat-tunnellaġġ taż-ŻEE għall-idroġenu, minħabba li l-Impenji Finali bil-għan li jirrimedjaw l-effetti orizzontali mhux ikkoordinati tat-Tranżazzjoni fis-swieq l-oħra għal gassijiet industrijali jeskludu wkoll il-possibbiltà li t-Tranżazzjoni se twassal għal effetti orizzontali mhux ikkoordinati fis-suq tat-tunnellaġġ taż-ŻEE għall-idroġenu. Tabilħaqq, l-Impenji Finali se jneħħu għalkollox il-koinċidenza bejn l-attivitajiet ta’ Linde u ta’ Praxair fis-suq tal-aħħar.

(36)

Id-Deċiżjoni tikkonkludi li, għas-swieq l-oħra kollha affettwati orizzontalment, mhux probabbli li t-Tranżazzjoni se twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva bħala riżultat ta’ effetti orizzontali mhux ikkoordinati. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Impenji Finali bil-għan li jirrimedjaw l-effetti orizzontali mhux ikkoordinati tat-Tranżazzjoni li jirriżultaw f’impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva jeskludu wkoll il-possibbiltà li t-Tranżazzjoni se twassal għal effetti orizzontali fis-swieq l-oħra. Tabilħaqq, l-Impenji Finali se jneħħu għalkollox il-koinċidenza bejn l-attivitajiet ta’ Linde u ta’ Praxair fis-swieq kollha affettwati orizzontalment.

2.   Effetti vertikali

(37)

Id-Deċiżjoni tikkonkludi li t-Tranżazzjoni se twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva bħala riżultat ta’ effetti vertikali mhux ikkoordinati fir-rigward tar-rabtiet vertikali bejn is-suq bl-ingrossa tal-elju globali upstream u s-swieq tal-bejgħ bl-imnut tal-elju downstream. Il-Kummissjoni sabet li:

(a)

Il-Partijiet Notifikanti se jkollhom il-kapaċità u l-inċentiv li jeskludu l-aċċess għall-elju. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tinnota li (i) l-entità fuża jkollha pożizzjoni dominanti upstream u l-kapaċità li tnaqqas il-provvista tal-elju tagħha; (ii) fornituri alternattivi huma limitati u jiffaċċjaw restrizzjonijiet ta’ kapaċità; u (iii) l-esklużjoni tal-aċċess għall-elju tkun ta’ profitt peress li l-bejgħ downstream imbiegħed mir-rivali esklużi huwa kkaratterizzat minn marġini għoljin u x’aktarx jinqabad mill-entità l-ġdida;

(b)

L-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ esklużjoni ta’ input mill-entità l-ġdida x’aktarx (i) twassal għal żidiet fil-prezzijiet fis-swieq tal-elju; (ii) iżżid l-ostakli għad-dħul għal kompetituri potenzjali; u (iii) taffettwa swieq oħra, billi l-elju huwa prodott “essenzjali” li jippermetti l-bejgħ ta’ gassijiet oħra.

(38)

Id-Deċiżjoni tikkonkludi li għas-swieq l-oħra kollha affettwati vertikalment huwa improbabbli li t-Tranżazzjoni se twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva bħala riżultat ta’ effetti vertikali mhux ikkoordinati. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Impenji Finali li għandhom l-għan li jirrimedjaw l-effetti orizzontali mhux ikkoordinati tat-Tranżazzjoni li jirriżultaw f’impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva jeskludu wkoll il-possibbiltà li t-Tranżazzjoni se twassal għal effetti vertikali. Tabilħaqq, l-Impenji Finali se jneħħu għalkollox il-koinċidenza bejn l-attivitajiet ta’ Linde u ta’ Praxair fis-swieq kollha affettwati upstream u downstream.

3.   Effetti kkoordinati

(39)

Il-Kummissjoni ma sabitx evidenza konvinċenti li tindika bidla materjali fl-inċentivi għall-koordinazzjoni tal-entità fuża u l-kompetituri tagħha li jifdal wara t-Tranżazzjoni fi kwalunkwe wieħed mis-swieq affettwati orizzontalment.

(40)

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li m’hemmx bżonn li tikkonkludi dwar l-effetti orizzontali kkoordinati tat-Tranżazzjoni, minħabba li l-Impenji Finali bil-għan li jirrimedjaw l-effetti orizzontali mhux ikkoordinati tat-Tranżazzjoni f’dawk is-swieq jeskludu wkoll il-possibbiltà li t-Tranżazzjoni se twassal għal effetti orizzontali kkoordinati. Tabilħaqq, l-Impenji Finali se jneħħu għalkollox il-koinċidenza bejn l-attivitajiet ta’ Linde u ta’ Praxair fis-swieq kollha affettwati orizzontalment.

VI.   IMPENJI

(41)

L-Impenji Finali jinkludu tliet elementi: l-Impenji taż-ŻEE Riveduti, l-Impenji tas-SIAD Riveduti, u l-Impenji ta’ Akkwist tal-Elju Riveduti.

(42)

L-Impenji taż-ŻEE Riveduti, li jikkonsistu f’impenn li jinbiegħu f’perjodu ta’ żmien stabbilit lil xerrej wieħed adattat tan-negozju tal-gass kollu ta’ Praxair fiż-ŻEE (“in-Negozju ta’ Bejgħ taż-ŻEE Rivedut”), inkluż il-kapaċitajiet ta’ inġinerija Ewropea ta’ Praxair, u eskluż is-SIAD (Società Italiana Acetilene e Derivati S.p.A.) (“SIAD”). L-iżvestiment tan-Negozju ta’ Żvestiment taż-ŻEE se jiġi implimentat permezz ta’ (a) ftehim(ijiet) ta’ ishma u/jew xiri ta’ assi, li jistgħu jikkawżaw it-trasferiment lix-xerrej tal-entitajiet legali, l-assi u l-persunal relevanti kollha relatati man-Negozju ta’ Żvestiment taż-ŻEE.

(43)

SIAD (inkluż impriżi affiljati) u Rivoira (inklużi impriżi affiljati) bħalissa huma kkontrollati b’mod konġunt minn Praxair u Flow Fin tal-Italja. L-Impenji tas-SIAD Riveduti jipprevedu bdil fl-ishma, li permezz ta’ dan Praxair se tittrasferixxi lil Flow Fin l-ishma diretti u indiretti tagħha f’SIAD u fl-impriżi affiljati ta’ SIAD, filwaqt li Flow Fin se tittrasferixxi lil Praxair l-ishma diretti u indiretti tagħha f’Rivoira u l-impriżi affiljati ta’ Rivoira. B’riżultat ta’ dan, SIAD (flimkien mal-impriżi affiljati tagħha) se tkun ikkontrollata biss mill-azzjonist l-ieħor attwali tagħha u Rivoira (flimkien mal-impriżi affiljati tagħha) se tkun ikkontrollata biss min-Negozju ta’ Żvestiment taż-ŻEE Rivedut.

(44)

Barra minn hekk, l-Impenji tas-SIAD jinkludu numru ta’ arranġamenti tranżitorji għall-provvista ta’ prodotti u servizzi li bħalissa huma pprovduti minn Praxair (inkluż minn entitajiet li huma parti min-Negozju ta’ Żvestiment taż-ŻEE Rivedut) lil SIAD, u minn SIAD lil Praxair (inkluż lill-entitajiet li huma parti min-Negozju ta’ Żvestiment taż-ŻEE Rivedut).

(45)

Filwaqt li kuntratti ta’ akkwist tal-elju li jiffurmaw parti min-Negozju ta’ Żvestiment taż-ŻEE Rivedut huma inklużi fl-Impenji taż-ŻEE Riveduti (kif deskritti hawn fuq), l-Impenji ta’ Akkwist tal-Elju Riveduti jipprevedu l-iżvestiment ta’ kuntratti ta’ akkwist tal-elju (jew permezz ta’ trasferiment ta’ kuntratti eżistenti ta’ sorsi tad-dħul f’arranġamenti ta’ forniment kontinwu) u assi oħra relatati (in-“Negozju ta’ Żvestiment ta’ Akkwist tal-Elju Rivedut”) lix-xerrej/xerrejja tal-pakkett(i) ta’ żvestiment li għandhom jiġu miftiehma ma’ awtoritajiet responsabbli mill-kompetizzjoni oħra għajr il-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari il-Kummissjoni tal-Kummerċ Federali tal-Istati Uniti.

(46)

In-Negozju ta’ Żvestiment ta’ Akkwist tal-Elju Rivedut se jinkludi tali ammont ta’ kuntratti ta’ akkwist tal-elju li, meta kkombinati mal-kuntratti ta’ akkwist tal-elju li jiffurmaw parti min-Negozju ta’ Żvestiment taż-ŻEE Rivedut, il-volum globali ta’ akkwist tal-elju divestit globalment se jkun ekwivalenti għal prattikament il-volumi kollha eżistenti ta’sorsi ta’ elju globali ta’ Praxair.

(47)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Impenji Finali jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni mqajma mit-Tranżazzjoni, billi jeliminaw għalkollox il-koinċidenzi bejn l-attivitajiet ta’ Linde u ta’ Praxair fis-swieq kollha affettwati. Il-vijabbiltà tan-Negozju ta’ Żvestiment taż-ŻEE Rivedut u tas-SIAD ma tkunx affettwata mis-separazzjoni taż-żewġ negozji billi l-investigazzjoni pprovdiet evidenza li dawn diġà joperaw bi grad relattivament għoli ta’ indipendenza minn qabel it-Tranżazzjoni.

VII.   KONKLUŻJONI

(48)

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, u soġġetta għall-konformità mal-Impenji Finali, id-Deċiżjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta mhijiex se xxekkel b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-Suq Intern jew f’parti sostanzjali minnu.

(49)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-Suq Intern u l-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, skont l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  Fir-rigward tal-provvista taċ-ċilindri tal-ESGs: (i) ammonja, (ii) triklorur tal-boron, (iii) klorin, (iv) dewterju, (v) diboran u taħlitiet, (vi) diklorosilan, (vii) ġerman u taħlitiet, (viii) alokarbonju 116, (ix) alokarbonju 23, (x) alokarbonju 318, (xi) alokarbonju 41, (xii) ossidu nitruż ta’ purità għolja, (xiii) bromur tal-idroġenu, (xiv) klorur tal-idroġenu, (xv) florur tal-idroġenu, (xvi) trifluworidu tan-nitroġenu, (xvii) fosfin u taħlitiet, (xviii) silan u taħlitiet, (xix) tetraklorur tas-siliċju, (xx) tetraflorur tas-siliċju, (xxi) eżafluworur tal-kubrit, (xxii) tetraflorometan, (xxiii) triklorosilan. Fir-rigward tal-provvista permezz ta’ volum kbir ta’ ESGs: (i) trifluworur tan-nitroġenu.

(3)  (i) l-Awstrija, fir-rigward tal-etilen u d-dijossidu tal-kubrit; (ii) ir-Repubblika Ċeka, fir-rigward tal-klorin, l-etan, l-etilen, is-sulfur tal-idroġenu, l-ossidu nitriku, id-dijossidu tal-kubrit u l-eżafluworur tal-kubrit; (iii) id-Danimarka, fir-rigward tal-ammonja, il-butin, il-metan u l-ossidu nitriku; (iv) il-Ġermanja, fir-rigward tal-etilen, il-monossidu tal-karbonju, il-metan u l-ossidu nitriku; (v) l-Italja, fir-rigward tal-ossidu tal-etilen u l-isobutan; (vi) in-Netherlands, fir-rigward tal-butan, il-monossidu tal-karbonju, il-metan u l-propan; (vii) in-Norveġja, fir-rigward tal-ammonja, il-butan, l-etan u l-metan; (viii) il-Portugall, fir-rigward tal-metan; (ix) ir-Rumanija, fir-rigward tal-etilen, il-metan u l-propan; (x) is-Slovakkja, fir-rigward tal-metan; (xi) is-Slovenja, fir-rigward tad-dijossidu tal-kubrit u l-eżafluworur tal-kubrit; (xii) Spanja, fir-rigward tal-metan; (xiii) l-Iżvezja, fir-rigward tal-metan; u (xiv) ir-Renju Unit, fir-rigward tal-metan u l-propan.

(4)  (i) l-Awstrija, fir-rigward ta’ taħlitiet ta’ applikazzjoni ambjentali u speċjali; (ii) il-Bulgarija, fir-rigward ta’ taħlitiet ta’ applikazzjoni ambjentali u speċjali; (iii) ir-Repubblika Ċeka, fir-rigward ta’ taħlitiet ambjentali, ta’ taħlitiet ta’ kalibrazzjoni oħra u ta’ applikazzjoni speċjali; (iv) id-Danimarka, fir-rigward ta’ taħlitiet ta’ applikazzjoni ambjentali u speċjali; (v) il-Ġermanja, fir-rigward ta’ taħlitiet ambjentali, ta’ taħlitiet ta’ kalibrazzjoni oħra u ta’ applikazzjoni speċjali; (vi) l-Ungerija, fir-rigward ta’ taħlitiet ambjentali, ta’ taħlitiet ta’ kalibrazzjoni oħra u ta’ applikazzjoni speċjali; (vii) l-Italja, fir-rigward ta’ taħlitiet ambjentali; (viii) in-Netherlands, fir-rigward ta’ taħlitiet ambjentali, ta’ taħlitiet ta’ kalibrazzjoni oħra u ta’ applikazzjoni speċjali; (ix) in-Norveġja fir-rigward ta’ taħlitiet ambjentali u ta’ applikazzjoni speċjali; (x) il-Polonja, fir-rigward ta’ taħlitiet ta’ applikazzjoni speċjali; (xi) il-Portugall, fir-rigward ta’ taħlitiet ambjentali u ta’ applikazzjoni speċjali; (xii) ir-Rumanija, fir-rigward ta’ taħlitiet ta’ applikazzjoni speċjali; (xiii) is-Slovakkja, fir-rigward ta’ taħlitiet ta’ kalibrazzjoni oħra u ta’ applikazzjoni speċjali; (xiv) is-Slovenja, fir-rigward ta’ taħlitiet ambjentali, ta’ taħlitiet ta’ kalibrazzjoni oħra u ta’ applikazzjoni speċjali; (xv) Spanja, fir-rigward ta’ taħlitiet ambjentali u ta’ kalibrazzjoni oħra; (xvi) l-Iżvezja, fir-rigward ta’ taħlitiet ambjentali u ta’ applikazzjoni speċjali; u (xvii) ir-Renju Unit, fir-rigward ta’ taħlitiet ta’ applikazzjoni speċjali.

(5)  Fiż-ŻEE, Praxair huwa attiv biss fi Spanja, fil-Portugall u fl-Italja. Fir-rigward tas-suq (swieq) tas-servizzi tal-kura respiratorja fid-djar fl-Italja, id-Deċiżjoni tikkonkludi li huwa improbabbli li t-Tranżazzjoni twassal għal impediment sinifikanti fir-rigward ta’ kompetizzjoni effettiva.


12.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 196/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Ġunju 2019

li tistabbilixxi l-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/622/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 196/08)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (1) tistabbilixxi qafas legali għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fl-Unjoni. Dan jiżgura li l-approċċi ta’ politika jkunu kkoordinati u, meta xieraq, li jkun hemm kundizzjonijiet armonizzati għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju meħtieġa għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern fl-oqsma ta’ politika tal-Unjoni bħall-komunikazzjoni elettronika, it-trasport u r-riċerka u l-iżvilupp.

(2)

Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tipprovdi li l-Kummissjoni tista’ torganizza konsultazzjonijiet biex tqis il-fehmiet tal-Istati Membri, tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u tal-industrija, kif ukoll tal-utenti kollha (sew kummerċjali u sew li mhumiex) tal-ispettru tar-radju involuti, kif ukoll partijiet oħrajn interessati fl-iżviluppi teknoloġiċi, tas-suq u regolatorji li jista’ jkollhom x’jaqsmu mal-użu tal-ispettru tar-radju.

(3)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE (2) twaqqaf grupp konsultattiv imsejjaħ il-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (“il-Grupp”) biex jassisti u jagħti pariri lill-Kummissjoni fuq kwistjonijiet tal-politika dwar l-ispettru tar-radju. Fost dawn hemm id-disponibbiltà tal-ispettru tar-radju, l-armonizzazzjoni u l-allokazzjoni tal-ispettru tar-radju, l-għoti tal-informazzjoni dwar l-allokazzjoni, id-disponibbiltà u l-użu tal-ispettru tar-radju, il-metodi għall-għoti ta’ drittijiet għall-użu tal-ispettru, l-armar mill-ġdid, ir-rilokazzjoni, il-valutazzjoni u l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(4)

F’Diċembru 2018, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva (UE) 2018/1972 (3), li rriformulat u rrevediet il-qafas regolatorju tal-Unjoni għall-komunikazzjoni elettronika, li tinkludi l-assenjar ta’ kompiti ġodda lill-Grupp.

(5)

Il-Grupp jenħtieġ jikkontribwixxi aktar għall-iżvilupp ta’ politika dwar l-ispettru tar-radju fl-Unjoni, li ma tkunx tqis biss il-parametri tekniċi iżda anki konsiderazzjonijiet ekonomiċi, politiċi, kulturali, strateġiċi, tas-saħħa u soċjali, kif ukoll il-bosta ħtiġiet varji potenzjalment kunfliġġenti tal-utenti tal-ispettru tar-radju bil-ħsieb li jkun żgurat li jinkiseb bilanċ ġust, mhux diskriminatorju u proporzjonat.

(6)

Il-grupp jenħtieġ ikun jinkludi esperti governattivi ta’ livell għoli mill-Istati Membri. Il-Grupp jista’ jinkludi wkoll osservaturi u jistieden lil persuni oħra biex jattendu l-laqgħat kif xieraq, inkluż lil regolaturi, awtoritajiet tal-kompetizzjoni, parteċipanti fis-suq, u gruppi tal-utenti jew tal-konsumaturi.

(7)

Bħala l-punt ċentrali biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-kuntest tal-politiki relevanti kollha tal-Unjoni, jenħtieġ jinżammu rabtiet operazzjonali mill-qrib bejn il-Grupp u l-gruppi jew il-kumitati speċifiċi stabbiliti għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tal-Unjoni, inkluż il-politika tat-trasport, il-politika tas-suq intern għat-tagħmir tar-radju, il-politika awdjoviżiva, il-politika tal-ispazju, u l-komunikazzjoni.

(8)

Filwaqt li hemm bosta korpi governattivi nazzjonali differenti responsabbli minn partijiet differenti tal-ispettru tar-radju, biex ikun żgurat li d-diskussjonijiet ikunu effettivi, kull delegazzjoni nazzjonali li tattendi laqgħa tal-Grupp jenħtieġ ikollha viżjoni nazzjonali kkonsolidata u kkoordinata tal-politiki kollha li jaffettwaw l-użu tal-ispettru tar-radju f’dak l-Istat Membru mhux biss b’rabta mas-suq intern iżda anki b’rabta mal-ordni pubblika, is-sigurtà pubblika, il-protezzjoni ċivili u l-politiki tad-difiża għax l-użu tal-ispettru tar-radju għal dawn il-politiki jista’ jaffettwa l-organizzazzjoni tal-ispettru tar-radju b’mod ġenerali.

(9)

Il-Grupp jenħtieġ jikkonsulta lill-utenti rilevanti tal-ispettru tar-radju, kemm għall-użu kummerċjali kif ukoll għall-użu mhux kummerċjali, kif ukoll lil kwalunkwe parti interessata oħra dwar l-iżviluppi teknoloġiċi, tas-suq u regolatorji marbuta mal-użu tal-ispettru tar-radju. Il-Grupp jenħtieġ jiżgura li dawk il-konsultazzjonijiet ikunu estensivi u jitwettqu b’mod progressiv.

(10)

L-użu tal-ispettru tar-radju ma jiqafx mal-fruntieri, u għalhekk il-Grupp jenħtieġ jinfetaħ għall-parteċipazzjoni ta’ osservaturi minn pajjiżi aderenti u minn pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea.

(11)

Il-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjoni Postali u tat-Telekomunikazzjoni (is-CEPT) jenħtieġ tiġi mistiedna bħala osservatur tal-ħidma tal-Grupp għax l-attivitajiet tal-Grupp iħallu impatt sinifikanti fuq l-ispettru tar-radju fil-livell pan-Ewropew u għax is-CEPT u l-korpi affiljati tagħha għandhom għarfien espert tekniku estensiv fil-ġestjoni tal-ispettru tar-radju. L-għarfien espert tas-CEPT hu xieraq ukoll abbażi tal-mandati mogħtija lilha skont id-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju biex jiġu żviluppati miżuri implimentattivi tekniċi fl-oqsma tal-allokazzjoni tal-ispettru tar-radju u d-disponibbiltà tal-informazzjoni. Minħabba l-importanza tal-istandardizzazzjoni Ewropea għall-iżvilupp ta’ tagħmir li juża l-ispettru tar-radju, hu daqstant importanti li l-Istitut Ewropew tal-Istandardizzazzjoni tat-Telekomunikazzjoni (l-ETSI) jiġi assoċjat bħala osservatur.

(12)

Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2018/1972 u r-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-kompiti tal-Grupp jenħtieġ jiġu adattati għal dak il-qafas regolatorju l-ġdid u r-rwol tal-Grupp jenħtieġ jissaħħaħ kif xieraq. Dan jenħtieġ jiffaċilita t-tiswir tal-politika dwar l-ispettru tal-Unjoni f’diversi oqsma tas-suq Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika, b’mod partikolari l-broadband bla fili, ikompli jtejjeb l-orjentazzjoni strateġika u t-trasparenza tal-politika dwar l-ispettru u jappoġġa l-ippjanar strateġiku u l-koordinazzjoni tal-approċċi tal-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-livell tal-Unjoni.

(13)

Skont il-kompiti l-ġodda mogħtija lill-Grupp bid-Direttiva (UE) 2018/1972, il-Grupp jenħtieġ jagħti parir lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, meta jintalab, fuq kwistjonijiet tal-ispettru tar-radju. Barra minn hekk, din id-Deċiżjoni jenħtieġ tipprovdi l-bażi biex il-Grupp isir il-forum għall-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-obbligi tagħhom relatati mal-ispettru tar-radju skont dik id-Direttiva, inkluż permezz ta’ proċess ta’ evalwazzjoni bejn il-pari, u biex ikollu rwol ċentrali f’oqsma essenzjali għas-suq intern bħall-koordinazzjoni u l-istandardizzazzjoni transfruntieri tal-ispettru tar-radju.

(14)

Meta wieħed iqis l-għadd ta’ emendi li huma meħtieġa minħabba d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2018/1972, għal raġunijiet ta’ ċarezza, id-Deċiżjoni 2002/622/KE jenħtieġ tiġi revokata u sostitwita.

(15)

Jenħtieġ li anki r-regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni mill-membri tal-grupp jiġu stabbiliti b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-data personali jenħtieġ tiġi pproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(16)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ tkun konformi mar-regoli orizzontali ddefiniti mill-Kummissjoni dwar il-ħolqien u l-operat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni (7) b’mod partikolari fir-rigward tas-sħubija fil-grupp, l-osservaturi, il-parteċipazzjoni tal-esperti mistiedna u l-ispejjeż tal-laqgħat.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Is-suġġett

Hu mwaqqaf grupp konsultattiv dwar il-politika tal-ispettru tar-radju, imsejjaħ il-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (“il-Grupp”).

Artikolu 2

Il-kompiti

(1)   Il-Grupp għandu jassisti u jagħti pariri lill-Kummissjoni:

(a)

fuq kwistjonijiet strateġiċi tal-politika dwar l-ispettru tar-radju fl-Unjoni;

(b)

fuq il-koordinazzjoni tal-approċċi tal-politika dwar l-ispettru tar-radju fl-Unjoni;

(c)

billi joħroġ opinjonijiet dwar proposti leġiżlattivi għal programmi pluriennali ta’ politika dwar l-ispettru tar-radju u biex jiġi rilaxxat spettru armonizzat għal użu kondiviż jew għal użu li ma jkunx soġġett għal drittijiet individwali;

(d)

billi joħroġ opinjonijiet fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjoni elettronika fil-qasam tal-ispettru tar-radju, mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika (“il-BEREC”);

(e)

fuq il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, il-programmi u l-politiki eżistenti tal-Unjoni dwar l-ispettru tar-radju;

(f)

fejn xieraq, fuq kundizzjonijiet armonizzati fir-rigward tad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju, meħtieġa għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

(2)   Il-Grupp għandu jassisti lill-Istati Membri fil-koperazzjoni ma’ xulxin u mal-Kummissjoni u, meta jintalab, mal-Kunsill u mal-Parlament Ewropew, b’appoġġ għall-ippjanar strateġiku u l-koordinazzjoni tal-approċċi tal-politika dwar l-ispettru tar-radju fl-Unjoni, billi:

(a)

jiżviluppa l-aqwa prattiki għal kwistjonijiet relatati mal-ispettru tar-radju, bil-ħsieb li jiġi implimentat id-dritt tal-Unjoni;

(b)

jiffaċilita l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri bil-ħsieb li jiġi implimentat id-dritt tal-Unjoni u biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq intern;

(c)

jikkoordina l-approċċi tal-Istati Membri għall-għoti u l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-ispettru tar-radju u jippubblika rapporti jew opinjonijiet fuq kwistjonijiet relatati mal-ispettru tar-radju.

(3)   Il-Grupp għandu jassisti lill-Istati Membri fil-koordinazzjoni transfruntiera tal-użu tal-ispettru tar-radju biex ikun żgurat li l-użu tal-ispettru tar-radju fit-territorju tagħhom ikun organizzat b’mod li jiżgura li l-ebda Stat Membru ieħor ma jitwaqqaf milli jippermetti l-użu tal-ispettru tar-radju fit-territorju tiegħu, b’mod partikolari l-ispettru tar-radju armonizzat, b’konformità mad-dritt tal-Unjoni, speċjalment minħabba interferenza dannuża transfruntiera bejn l-Istati Membri.

Għal dan il-għan, meta jintalab minn xi Stat Membru affettwat, il-Grupp għandu jipprovdi s-servizzi tiegħu biex tissolva kwalunkwe problema jew tilwima bejn l-Istati Membri, kif ukoll ma’ pajjiżi terzi, b’rabta mal-koordinazzjoni transfruntiera jew mal-interferenza dannuża transfruntiera li jwaqqfu lill-Istati Membri milli jużaw l-ispettru tar-radju fit-territorju tagħhom.

Fir-rigward tal-ispettru armonizzat tar-radju, il-Grupp jista’ joħroġ opinjoni biex jipproponi soluzzjoni kkoordinata għal problema jew tilwima bħal dawn bejn l-Istati Membri.

(4)   Il-Grupp għandu jassisti lill-Kummissjoni fil-ħidma preparatorja tagħha dwar proposti lill-Kunsill għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet li jridu jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fi kwistjonijiet tal-ispettru tar-radju.

(5)   Meta jitolbuh, il-Grupp jista’ jorganizza laqgħat biex l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew awtoritajiet kompetenti oħra jkunu jistgħu jiddiskutu u jiskambjaw fehmiet u esperjenzi relatati mal-proċessi tal-awtorizzazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju.

(6)   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, mill-21 ta’ Diċembru 2020, il-Grupp għandu jlaqqa’, għall-finijiet tal-Artikolu 35 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, forum ta’ evalwazzjoni bejn il-pari fir-rigward tal-ispettru tar-radju li għalih ikunu ġew stabbiliti kundizzjonijiet armonizzati permezz ta’ miżuri implimentattivi tekniċi skont id-Deċiżjoni 676/2002/KE, biex ikun jista’ jintuża l-ispettru tar-radju għal networks u servizzi tal-broadband bla fili, meta jintalab mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew minn xi awtorità kompetenti oħra tal-Istat Membru kkonċernat jew, f’każijiet eċċezzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 35(2) tal-Kodiċi, b’inizjattiva tal-Grupp.

Artikolu 3

Is-sħubija

Il-membri tal-Grupp għandhom ikunu l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant ta’ livell għoli b’responsabbiltà ġenerali għall-politika strateġika dwar l-ispettru tar-radju.

Il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fil-laqgħat kollha tal-Grupp, fil-livell xieraq, u tipprovdi s-segretarjat għall-Grupp.

Artikolu 4

Il-ħidma

(1)   Meta titolbu l-Kummissjoni jew b’inizjattiva tiegħu stess, il-Grupp għandu jadotta opinjonijiet u rapporti indirizzati lill-Kummissjoni. L-opinjonijiet u r-rapporti għandhom ikunu bbażati fuq kunsens jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq maġġoranza sempliċi, u kull membru jkollu vot wieħed. Il-membri li jkunu vvutaw kontra għandhom id-dritt li jkollhom dikjarazzjoni li tiġbor fil-qosor ir-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħhom u li tinhemeż mal-opinjonijiet jew mar-rapporti.

(2)   Wara talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill għal opinjoni jew rapport tal-Grupp fuq kwistjonijiet ta’ politika dwar l-ispettru tar-radju li jirrigwardaw il-komunikazzjoni elettronika, il-Grupp għandu jadotta dawn l-opinjoni jew ir-rapport skont ir-regoli stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-grupp għandu jippreżenta l-opinjoni jew ir-rapport tiegħu lill-istituzzjoni li talbithom u lill-Kummissjoni. Meta xieraq, l-opinjoni jew ir-rapport jista’ jkollhom l-għamla ta’ preżentazzjoni orali lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill mill-President tal-Grupp jew minn membru nominat mill-Grupp.

(3)   Il-Grupp għandu jagħżel President minn fost il-membri tiegħu. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi ta’ termini ta’ referenza ddefiniti mill-Kummissjoni. Is-sottogruppi għandhom joperaw b’konformità mar-regoli orizzontali ddefiniti mill-Kummissjoni dwar it-twaqqif u t-tħaddim tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni (8) u għandhom jirrapportaw lill-Grupp. Dawn is-sottogruppi għandhom jiġu xolti malli jintemm il-mandat tagħhom.

(4)   Il-Kummissjoni tista’ tlaqqa’ l-Grupp dwar kull kwistjoni fil-kompetenza tiegħu permezz tas-segretarjat bi ftehim mal-President. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dan meta jkun meħtieġ għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-Deċiżjoni.

(5)   Il-Grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu fuq proposta tal-Kummissjoni, b’kunsens jew, fin-nuqqas ta’ kunsens, permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza sempliċi, b’vot wieħed għal kull Stat Membru. Ir-regoli ta’ proċedura għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(6)   Il-Grupp jista’ jistieden osservaturi, inkluż mill-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea u mill-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni fl-Unjoni, mis-CEPT u mill-ETSI biex jattendu l-laqgħat tiegħu; jista’ wkoll jisma’ lil esperti u partijiet interessati. L-osservaturi għandhom jinnominaw lir-rappreżentanti tagħhom. L-osservaturi u r-rappreżentanti tagħhom jista’ jkollhom il-permess tal-President biex jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-grupp u jaqsmu l-għarfien espert tagħhom. Madankollu, l-osservaturi ma għandux ikollhom id-drittijiet tal-vot u ma għandhomx jipparteċipaw fil-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew tal-pariri tal-Grupp. Meta l-Grupp ikun jidhirlu li jixraq tinġabar evidenza fit-tħejjija ta’ xi opinjoni jew rapport, dan jista’ jistieden lil rappreżentanti rilevanti mill-industrija biex jippreżentaw pożizzjonijiet waqt il-laqgħat tiegħu.

(7)   Meta l-Grupp ikun jidhirlu li hu xieraq, dan jista’ jistieden esperti minn awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew minn awtoritajiet kompetenti oħra u mill-BEREC biex jipparteċipaw fil-laqgħat tiegħu.

Għall-finijiet tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2018/1972, il-Grupp għandu jippermetti l-parteċipazzjoni ta’ esperti minn awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew minn awtoritajiet kompetenti oħra msemmija fid-Direttiva (UE) 2018/1972 u mill-BEREC.

Filwaqt li jkun soġġett għal regoli dettaljati li għandhom jiġu miftiehma mal-BEREC u mal-Kummissjoni, il-Grupp għandu jippermetti lill-BEREC jieħu sehem fl-attivitajiet tiegħu fuq kwistjonijiet relatati mar-regolamentazzjoni tas-suq u mal-kompetizzjoni b’rabta mal-ispettru tar-radju li huma fil-kompetenza tal-BEREC.

Artikolu 5

Ir-relazzjoni mal-Parlament Ewropew

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2 u 4, fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tintbagħat lill-Parlament Ewropew u l-parteċipazzjoni tal-esperti tal-Parlament Ewropew fil-laqgħat tal-Grupp, għandhom japplikaw il-punt 15 tal-Anness I u tal-Anness II tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (9).

Artikolu 6

Il-konsultazzjoni

Il-Grupp għandu jikkonsulta b’mod estensiv u fi stadju kmieni lil parteċipanti fis-suq, lil konsumaturi u lil utenti finali b’mod miftuħ u trasparenti.

Artikolu 7

Il-kunfidenzjalità

Meta l-Kummissjoni tiddikjara li l-opinjoni mitluba jew il-kwistjoni mqajma għandha natura kunfidenzjali, il-membri tal-Grupp kif ukoll l-osservaturi u kwalunkwe persuna oħra li tattendi laqgħa tal-Grupp għandhom ikunu obbligati li ma jiżvelawx informazzjoni li jkunu saru jafu biha permezz tal-ħidma tal-Grupp, tas-subgruppi tiegħu jew tal-gruppi ta’ ħidma tal-esperti. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-membri tal-Grupp biss jistgħu jattendu l-laqgħat.

Artikolu 8

Is-segretezza professjonali u t-trattament tal-informazzjoni klassifikata

Il-membri tal-grupp u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, huma soġġetti għall-obbligu tas-segretezza professjonali, li skont it-Trattati u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, japplika għall-membri kollha tal-istituzzjonijiet u l-persunal tagħhom, u huma soġġetti wkoll għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (10) u (UE, EURATOM) 2015/444 (11). Jekk dawn l-obbligi ma jiġux rispettati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

Artikolu 9

It-trasparenza

(1)   Il-grupp u s-sottogruppi għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti.

(2)   Rigward il-kompożizzjoni tal-grupp, fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti għandha tiġi ppubblikata d-data li ġejja:

(a)

l-ismijiet tal-osservaturi;

(b)

l-ismijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri;

(c)

l-ismijiet tal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi.

(3)   Id-dokumenti rilevanti kollha, inkluż l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, għandhom ikunu disponibbli fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti jew permezz ta’ link fir-Reġistru għal sit web apposta fejn tkun tinsab din l-informazzjoni. L-aċċess għas-siti web apposta ma għandux ikun soġġett għal xi reġistrazzjoni tal-utent jew għal xi restrizzjoni oħra. B’mod partikolari, l-aġenda u d-dokumenti kuntestwali rilevanti l-oħra għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, segwiti minn pubblikazzjoni fil-ħin tal-minuti. L-eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom jiġu previsti biss meta l-iżvelar ta’ xi dokument ikun idgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

(4)   Bi qbil mal-Kummissjoni, il-Grupp jista’ jiddeċiedi b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu li d-deliberazzjonijiet għandhom ikunu pubbliċi.

Artikolu 10

L-ispejjeż tal-laqgħat

(1)   Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-grupp u tas-sottogruppi ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.

(2)   Għal-laqgħat tal-Grupp, ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar mill-Kummissjoni hu limitat għal persuna waħda għal kull delegazzjoni ta’ Stat Membru. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-osservaturi u tal-esperti jew ta’ partijiet interessati oħra koperti bl-Artikolu 4(6) ma jiġux rimborżati mill-Kummissjoni, u lanqas l-ispejjeż involuti meta l-Grupp, il-President jew ir-rappreżentanti tiegħu jiltaqgħu ma’ partijiet interessati.

(3)   L-ispejjeż involuti fl-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-Grupp għandhom ikunu koperti mill-Kummissjoni diment li dawn il-laqgħat isiru fi Brussell. Għal-laqgħat tal-Grupp li jsiru barra minn Brussell fl-Unjoni Ewropea, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar biss għandhom ikunu koperti mill-Kummissjoni.

(4)   Il-Kummissjoni tista’ tordna studji esterni biex tappoġġa l-ħidma tal-Grupp. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandu jkollha d-dritt li tiddeċiedi dwar il-ħtieġa għall-istudju, għandha tkopri l-ispejjeż involuti u għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni ta’ dawn l-istudji.

(5)   L-ispejjeż involuti fl-istabbiliment u fil-manutenzjoni tas-sit web tal-Grupp għandha tkoprihom il-Kummissjoni.

Artikolu 11

Revoka

Id-Deċiżjoni 2002/622/KE hi mħassra.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Kummissjoni

Mariya GABRIEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE tas-26 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (ĠU L 198, 27.7.2002, p. 49).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (riformulazzjoni) (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni, C(2016)3301 final.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni, C(2016)3301 final.

(9)  ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

12.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 196/22


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI 2018 — EAC/A01/2019

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

Timijiet ta’ Volontarjat f’Oqsma ta’ Prijorità Għolja

(2019/C 196/09)

1.   Introduzzjoni/Sfond

Din is-sejħa għall-proposti hija bbażata fuq ir-Regolament (UE) 2018/1475 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1288/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 u d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE (1), kif ukoll fuq il-Programm ta’ Ħidma Annwali għall-2018 tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jkopri l-perjodu bejn l-2018 u l-2020. L-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jinsabu fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament.

2.   Deskrizzjoni

It-timijiet ta’ volontarjat f’oqsma ta’ prijorità għolja huma proġetti fuq skala kbira li jappoġġjaw attivitajiet ta’ timijiet ta’ voluntiera li jkollhom l-għan li jwettqu interventi qosra u ta’ impatt qawwi li jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà f’oqsma ta’ politika definiti fil-livell tal-UE.

3.   L-Objettivi u l-Prijoritajiet

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għandu l-għan li jippromwovi s-solidarjetà bħala valur, prinċipalment permezz tal-volontarjat, biex isaħħaħ l-involviment taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet f’attivitajiet ta’ solidarjetà aċċessibbli u ta’ kwalità għolja bħala mod biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-koeżjoni, tas-solidarjetà, tad-demokrazija u taċ-ċittadinanza fl-Ewropa, filwaqt li jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà u jsaħħu l-komunitajiet, bi sforz partikolari fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali. Se jikkontribwixxi wkoll għall-kooperazzjoni Ewropea li tkun rilevanti għaż-żgħażagħ.

It-Timijiet tal-Volontarjat f’oqsma ta’ prijorità għolja se jimmiraw b’mod partikolari li:

jindirizzaw il-ħtiġijiet ċari tas-soċjetà li mhumiex qed jiġu indirizzati;

jippromwovu s-solidarjetà fost l-Istati Membri;

jippermettu lill-voluntiera żgħażagħ jiksbu ħiliet u kompetenzi li huma utli għall-iżvilupp personali, edukattiv, soċjali u professjonali tagħhom;

jipprovdu benefiċċji tanġibbli lill-komunitajiet li fihom jitwettqu l-attivitajiet;

jilħqu liż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, fosthom lir-refuġjati, l-applikanti għall-ażil u l-migranti;

jippromwovu d-diversità, id-djalogu interkulturali u interreliġjuż, il-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u jaħdmu wkoll fuq proġetti li jtejbu l-litteriżmu medjatiku, il-ħsieb kritiku u s-sens ta’ inizjattiva fiż-żgħażagħ;

isaħħu l-kapaċitajiet u l-ambitu internazzjonali tal-organizzazzjonijiet parteċipanti;

ikabbru l-għarfien u l-fehim tal-parteċipanti dwar kulturi u pajjiżi oħrajn, billi jingħataw l-opportunità jibnu netwerks ta’ kuntatti internazzjonali, jieħdu sehem b’mod attiv fis-soċjetà u jiżviluppaw sens ta’ ċittadinanza u ta’ identità Ewropej;

Minbarra l-objettivi msemmija hawn fuq, il-proposti ppreżentati taħt din is-sejħa għandhom jindirizzaw waħda jew aktar mit-tliet prijoritajiet elenkati hawn taħt:

il-patrimonju kulturali Ewropew;

l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (inklużi l-applikanti għall-ażil u r-refuġjati);

rispons għall-isfidi ambjentali, inkluż il-prevenzjoni tad-diżastri, l-istat ta’ tħejjija u l-irkupru (li jeskludi r-rispons immedjat għad-diżastri).

Bħala parti mill-prijorità tal-patrimonju kulturali Ewropew, jistgħu jiġu appoġġati proġetti ta’ rikostruzzjoni, inkluż pereżempju n-Notre Dame de Paris.

4.   Applikanti eliġibbli

L-applikanti eliġibbli huma organizzazzjonijiet pubbliċi u privati li għandhom akkreditazzjoni ta’ volontarjat ta’ Erasmus+ valida jew Tikketta ta’ Kwalità għall-volontarjat sal-iskadenza tal-applikazzjoni.

Huma eliġibbli biss l-applikazzjonijiet minn entitajiet ġuridiċi stabbiliti fit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Għall-applikanti mir-Renju Unit: Ta’ min wieħed jinnota li l-applikanti jridu jibqgħu konformi mal-kriterji ta’ eliġibbiltà tul id-durata kollha tal-għotja. Fil-każ li r-Renju Unit joħroġ mill-UE matul il-perjodu tal-għotja finanzjarja mingħajr ma jiġi konkluż ftehim mal-UE li b’mod partikolari jiżgura li l-applikanti Brittaniċi jkomplu jkunu eliġibbli, int ma tirċevix aktar finanzjament mill-UE (filwaqt li tkompli tipparteċipa, fejn hu possibbli) jew tkun mitlub tieqaf mill-proġett abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim tal-għotja finanzjarja dwar it-terminazzjoni.

5.   L-Attivitajiet eliġibbli u t-tul tal-proġett

Huma eliġibbli attivitajiet ta’ dan it-tip:

It-Timijiet ta’ Volontarjat huma attivitajiet ta’ solidarjetà li jippermettu li timijiet ta’ parteċipanti li jiġu minn tal-inqas żewġ pajjiżi differenti jwettqu volontarjat flimkien għal perjodu ta’ bejn ħmistax u xahrejn. Fit-timijiet ta’ volontarjat, il-voluntiera tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jwettqu kompiti għal proġett fuq perjodu qasir ta’ żmien. Minkejja li ma jdumux fit-tul, dawn l-attivitajiet ikunu siewja kemm għall-individwi kif ukoll għall-komunitajiet li jibbenefikaw minn dan is-servizz.

Iż-żjarat ta’ ppjanar bil-quddiem huma żjarat ta’ ppjanar qabel jibdew l-attivitajiet ta’ volontarjat biex jiżguraw attivitajiet ta’ kwalità għolja billi jiffaċilitaw u jippreparaw l-arranġamenti amministrattivi, jissawru l-fiduċja u l-fehim u tiġi stabbilita sħubija soda bejn l-organizzazzjonijiet u l-persuni involuti.

L-attivitajiet kumplimentari huma attivitajiet addizzjonali rilevanti mfassla biex iżidu l-valur u jtejbu r-riżultati tal-proġett, kif ukoll biex isaħħu l-impatt tiegħu fil-livell lokali, reġjonali u/jew Ewropew. Dawn l-attivitajiet supplimentari għandhom ukoll l-għan li jqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-valur tal-volontarjat għaż-żgħażagħ u għall-komunitajiet, kif ukoll l-għan li jsaħħu r-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kompetenzi miksuba mill-voluntiera.

It-tul ta’ żmien tal-proġett jrid ikun bejn tlieta u 24 xahar.

6.   Baġit

Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-proġetti taħt din is-sejħa għall-proposti huwa stmat għal EUR 1 018 325 u huwa bbażat fuq il-programm ta’ ħidma annwali tal-2018 għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-UE ma tistax taqbeż it-80 % tat-total tal-ispejjeż tal-proġetti eliġibbli.

L-Aġenzija tistenna li tiffinanzja disa’ proposti.

L-Aġenzija tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

7.   Sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu bl-użu ta’ formola ta’ applikazzjoni għal għotja online (eForm). Il-formola elettronika hi disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq dan l-indirizz tal-Internet: http://eacea.ec.europa.eu/documents/eforms_en u għandha timtela kif suppost b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE.

L-applikazzjoni — mimlija kif suppost — trid tintbagħat onlajn sad-19 ta’ Settembru 2019, 12.00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell).

8.   Dettalji sħaħ

Il-kundizzjonijiet dettaljati ta’ din is-sejħa għall-proposti huma stabbiliti fi gwida għall-Gruppi ta’ Volontarjat f’oqsma ta’ prijorità għolja disponibbli f’dan l-indirizz:

https://eacea.ec.europa.eu/sites/european-solidarity-corps/funding_en

It-Timijiet tal-Volontarjat f’oqsma ta’ prijorità għolja jikkostitwixxu parti integrali minn din is-sejħa għall-proposti u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u l-finanzjament li jissemmew fiha japplikaw bis-sħiħ għal din is-sejħa.


(1)  ĠU L 250, 4.10.2018, p. 1.


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

12.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 196/25


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9327 — YZJ Group/Mitsui E&S Group/Mitsui & CO Group/JV)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 196/10)

1.   

Fit-3 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Mitsui E&S Shipbuilding Co., Ltd (il-Ġappun) u Mitsui E&S Co., Ltd (iċ-Ċina) li jappartjenu għall-Mitsui E&S Group (“il-Grupp MES”),

Mitsui & Co., Ltd (il-Ġappun) li tappartjeni għall-Mitsui & Co. Group (“il-Mitsui & Co. Group”),

Jiangsu Yangzijiang Shipbuilding Co., Ltd (iċ-Ċina), li tappartjeni għall-Grupp YZJ (“il-Grupp YZJ”),

Jiangsu Yangzi-Mitsui Shipbuilding Co., Ltd (iċ-Ċina) (“il-JV”).

Il-Grupp MES, il-Mitsui & Co. Group u l-Grupp YZJ jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3 (4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġunt tal-JV.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma f’kumpanija maħluqa ġdida li tikkostitwixxi f’impriża konġunta (joint venture, JV).

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   il-Grupp MES: attiv fil-manifattura ta’ bastimenti, bħal bastimenti navali, bastimenti tat-tagħbija bl-ingrossa, tankers u trasportaturi tal-LNG, kif ukoll fl-għoti ta’ servizzi ta’ inġinerija u ta’ konsulenza. Il-Grupp MES huwa wkoll involut fil-bejgħ bl-ingrossa, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ bastimenti u tagħmir tal-baħar;

—   il-Mitsui & Co. Group: il-provvista mad-dinja kollha ta’ loġistika u finanzjament ta’ żviluppi maġġuri ta’ infrastruttura internazzjonali f’oqsma, bħal pereżempju ħadid, azzar, riżorsi minerali u metalli, u sistemi ta’ trasportazzjoni;

—   il-Grupp YZJ: attiv fil-manifatturar ta’ vapuri kummerċjali, inklużi vapuri tal-containers, bastimenti kbar u bastimenti speċjali, kif ukoll fl-investiment finanzjarju u l-kummerċ tal-metall;

—   il-JV: li se tkun attiva fil-bini ta’ bastimenti merkantili, b’mod partikolari, bastimenti ta’ tagħbija bl-ingrossa, tankers taż-żejt u trasportaturi tal-LNG, għas-swieq Ċiniżi u madwar id-dinja.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.9327 — YZJ Group/Mitsui E&S Group/Mitsui & CO Group/JV

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.