ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 135A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 62
11 ta' April 2019


Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

2019/C 135 A/01

Post vakanti għal Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data — COM/2019/20036

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

11.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 135/1


Post vakanti għal Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

COM/2019/20036

(2019/C 135 A/01)

 

Min aħna (sfond)

Il-kariga ta’ Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data hija prevista bl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji, id-drittijiet u l-obbligi li bihom l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-aġenziji u l-uffiċċji tal-Unjoni Ewropea jipproċessaw id-data personali biex jiġi żgurat li huma jikkonformaw mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, u b’mod partikulari mad-drittijiet tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (il-Kontrollur) jmexxi l-awtorità superviżorja indipendenti li għandha tiżgura li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jiġu applikati b’mod korrett. Il-Kontrollur jaġixxi b’mod totalment indipendenti fil-qadi ta’ dmirijietu.

Il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2019 qed jipprevedi baġit totali ta’ madwar EUR 16,6-il miljun u b’kollox madwar 100 membru bħala persunal għall-awtorità superviżorja.

Il-Kontrollur jinħatar għall-mandat ta’ ħames snin; il-mandat jista’ jiġġedded darba.

Ir-regoli u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet tal-Kontrollur, inklużi s-salarji, l-allowances u kwalunkwe benefiċċju ieħor minflok ir-remunerazzjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) 2018/1725. F’dan ir-rigward, il-Kontrollur jitqies ekwivalenti għal imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (2).

Is-sede tal-Kontrollur hija fi Brussell.

X’nipproponu (Deskrizzjoni tal-Impjieg)

Il-kontrollur jissorvelja u jinforza l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725; għal dan l-għan, huwa għandu jissodisfa d-dmirijiet stipulati minn dan ir-Regolament u għandu jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu. Barra minn hekk, huwa jagħti pariri lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni Ewropea u lis-suġġetti tad-data dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ipproċessar tad-data personali.

F’termini ġenerali, il-Kontrollur għandu r-responsabbiltà li jiżgura li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi, u b’mod partikulari d-drittijiet tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, jiġu rrispettati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-aġenziji u mill-organi tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali. Huwa jissorvelja u jiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament u ta’ kull att ieħor tal-Unjoni Ewropea li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali minn istituzzjonijiet, korpi, aġenziji jew organi tal-Unjoni Ewropea.

Il-kompiti tal-Kontrollur jistgħu jiġu deskritti kif ġej

jissorvelja u jinforza l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 minn istituzzjonijiet u minn korpi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tkun għall-ipproċessar tad-data personali mill-Qorti tal-Ġustizzja meta taġixxi fil-kapaċità ġudizzjarja tagħha;

jippromwovi l-fehim u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar ir-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet fir-rigward tal-ipproċessar (l-attivitajiet indirizzati speċifikament għat-tfal għandhom jingħataw attenzjoni speċifika);

jippromwovi s-sensibilizzazzjoni tal-kontrolluri u ta’ dawk responsabbli mill-ipproċessar rigward l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1725;

fuq talba, jipprovdi informazzjoni lil kwalunkwe suġġett tad-data dwar l-eżerċitar tad-drittijiet tiegħu skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 u, jekk xieraq, jikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għal dan l-għan;

jittratta lmenti mressqa minn xi suġġett tad-data, jew minn korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 u jinvestiga, sa fejn ikun xieraq, is-suġġett tal-ilment u jinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, b’mod partikolari jekk tkun meħtieġa aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma’ awtorità superviżorja oħra;

iwettaq investigazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725, inkluż abbażi ta’ informazzjoni li tasallu minn awtorità superviżorja jew awtorità pubblika oħra;

jagħti pariri, fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba, lill-istituzzjonijiet u lill-korpi kollha tal-Unjoni dwar miżuri leġiżlattivi u amministrattivi relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali;

jissorvelja żviluppi rilevanti, meta dawn ikollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

jadotta klawżoli kuntrattwali standard imsemmija fir-Regolament (UE) 2018/1725;

jistabbilixxi u jżomm lista relatata mar-rekwiżit għal valutazzjoni tal-impatt dwar il-protezzjoni tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725;

jieħu sehem fl-attivitajiet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data;

iwettaq id-dmirijiet segretarjali tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, skont l-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) 2016/679;

jagħti pariri dwar l-ipproċessar imsemmi fl-Artikolu 40(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

jawtorizza l-klawżoli u d-dispożizzjonijiet kuntrattwali msemmija fir-Regolament (UE) 2018/1725;

iżomm rekords interni marbutin mal-ksur tar-Regolament (UE) 2018/1725 u tal-miżuri li ttieħdu;

iwettaq kwalunkwe kompitu ieħor marbut mal-protezzjoni tad-data personali;

jistabbilixxi r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

X’qegħdin infittxu (kriterji għall-għażla)

Il-kandidati għandu jkollhom:

esperjenza ppruvata fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data, bħala membri ta’ awtorità superviżorja għall-protezzjoni tad-data jew f’organizzazzjoni kbira privata jew pubblika;

għarfien tajjeb tal-politiki dwar il-protezzjoni tad-data tal-Unjoni Ewropea, u esperjenza marbuta magħhom;

esperjenza prattika fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, u l-kapaċità li jiżguraw konformità magħhom, preferibbilment miksuba f’organizzazzjonijiet kbar ħafna fis-settur privat jew fis-settur pubbliku;

esperjenza fil-valutazzjoni tal-impatt tal-politiki tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni tad-data fuq iċ-ċittadini Ewropej, l-intrapriżi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi,

il-kapaċità li jiżviluppaw u jikkomunikaw viżjoni, li jaħsbu f’termini ta’ sistemi u proċeduri globali, u li jipproponu rakkomandazzjonijiet konkreti u soluzzjonijiet prattiċi;

esperjenza amministrattiva ta’ livell għoli u l-ħiliet neċessarji fit-tmexxija biex jimmaniġġaw tim ferm speċjalizzat ta’ esperti fil-protezzjoni tad-data u l-baġit tiegħu, kif ukoll komunità mifruxa ta’ partijiet ikkonċernati;

il-kapaċità li jaġixxu bl-indipendenza meħtieġa;

esperjenza fil-komunikazzjoni u n-networking, sabiex il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jkun irrappreżentat fl-ogħla livelli, filwaqt li jiżviluppaw u jżommu relazzjonijiet effikaċi ma’ partijiet ikkonċernati f’istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea, fi Stati Membri, f’pajjiżi terzi u f’organizzazzjonijiet internazzjonali oħra;

Kundizzjonijiet essenzjali (il-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà)

Il-kandidati se jiġu biss ikkunsidrati għall-fażi tal-għażla abbażi tar-rekwiżiti formali segwenti li għandhom jiġu ssodisfati sal-iskadenza tal-applikazzjonijiet:

Ċittadinanza: il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Lawrja jew diploma ta’ università: il-kandidati jrid ikollhom:

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma u ċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ (4) snin jew aktar;

inkella livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma u ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena (1) meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun ta’ mill-inqas tliet (3) snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali ta’ wara l-lawrja meħtieġa hawn taħt).

Esperjenza professjonali: il-kandidati jrid ikollhom minn tal-inqas 15-il sena ta’ esperjenza professjonali postgradwatorja f’livell li l-kwalifiki msemmija hawn fuq jagħtu aċċess għaliha. Mill-inqas ħames (5) snin minn din l-esperjenza professjonali trid tkun f’qasam li għandu x’jaqsam mal-attivitajiet ta’ Kontrollur.

Esperjenza maniġerjali: mill-anqas ħames (5) snin mill-esperjenza professjonali postgradwatorja jridu jkunu f’kariga ta’ ġestjoni ta’ livell għoli (3), f’qasam li għandu x’jaqsam ma’ din il-kariga.

Lingwi: il-kandidati jrid ikollhom għarfien sħiħ ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4) u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi uffiċjali.

Politika dwar ir-reklutaġġ

L-Unjoni Ewropea tapplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ nondiskriminazzjoni.

Proċedura tal-għażla u l-ħatra

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaħtru bi qbil komuni l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għal mandat ta’ ħames snin, abbażi ta’ lista mħejjija mill-Kummissjoni Ewropea wara sejħa pubblika għall-kandidati.

Il-Kummissjoni Ewropea tħejji din il-lista skont il-proċeduri tal-għażla u tar-reklutaġġ tagħha (ara wkoll: Id-Dokument ta’ Kompilazzjoni dwar il-Politika għall-Uffiċjali f’Kariga Għolja (5)). Għal dan l-għan, hija tistabbilixxi bord ta’ preselezzjoni li jivvaluta l-applikazzjonijiet kollha skont il-kriterji ta’ eliġibbiltà msemmija hawn fuq u tidentifika l-kandidati li l-profil tagħhom jissodisfa l-aħjar il-kriterji tal-għażla għall-kariga ta’ Kontrollur. Dawn il-kandidati jistgħu jiġu mistiedna għal intervista mal-bord ta’ preselezzjoni.

Wara dawn l-intervisti, il-bord ta’ preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta’ kandidati għal aktar intervisti mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet (CCA, Consultative Committee on Appointments) tal-Kummissjoni Ewropea. Is-CCA, filwaqt li jqis il-konklużjonijiet tal-bord ta’ preselezzjoni, jiddeċiedi dwar il-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista mas-CCA jipparteċipaw għal ġurnata sħiħa f’ċentru ta’ valutazzjoni ta’ kompetenzi fil-maniġment immexxi minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ

Il-Kummissjoni Ewropea, wara li tqis ir-riżultati tal-bord ta’ preselezzjoni kif ukoll ir-riżultati tal-intervisti mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet, tfassal lista ta’ mill-inqas tliet kandidati. Il-lista tal-kandidati għandha tkun pubblika u tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu aktar intervisti mal-kandidati li isimhom ikun jidher fil-lista. L-inklużjoni tagħhom f’din il-lista mhijiex garanzija tal-ħatra.

Tajjeb li tinnota li għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati, kif ukoll dak tal-istituzzjonijiet, il-proċedura tal-għażla ssir biss bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż (6).

Proċedura tal-applikazzjoni

Qabel tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, jenħtieġ li tivverifika b’attenzjoni jekk tissodisfax r-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà kollha (il-“Kundizzjonijiet essenzjali”), b’mod partikolari dawk marbutin mat-tip ta’ diplomi, l-esperjenza professjonali ta’ livell għoli kif ukoll il-kompetenza lingwistika meħtieġa. Min ma jissodisfax xi waħda minn dawn ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk trid tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet fuq il-website li ġejja u ssegwi l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan se jintuża biex tiġi kkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex matul l-istadji differenti tal-proċedura jibqa’ jkun hemm kuntatt miegħek. Għaldaqstant, jekk jogħġbok, żomm lill-Kummissjoni Ewropea informata dwar kull tibdil fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex timla l-applikazzjoni tiegħek jeħtieġ li ttella’ s-CV f’format PDF, u timla online ittra ta’ motivazzjoni (ta’ 8 000 karattru l-aktar). Is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ladarba tkun lestejt ir-reġistrazzjoni online tiegħek, se tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek ġiet irreġistrata. Jekk ma tirċevix ittra ta’ konferma, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Jekk jogħġbok innota li mhuwiex possibbli li żżomm taħt monitoraġġ il-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Se tiġi kkuntattjat direttament mill-Kummissjoni Ewropea rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.

Jekk teħtieġ iktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Id-data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija s-16 ta’ Mejju 2019, f’nofsinhar (12.00) ħin ta’ Brussell, u wara din id-data u dan il-ħin ma jkunx iktar possibbli li tirreġistra.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li timla r-reġistrazzjoni online fil-ħin. Aħna nagħtuk parir biex ma tħallix għall-aħħar jiem biex tapplika, peress li traffiku tal-Internet qawwi jew problema fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tiegħek tintemm qabel ma tlestiha, u b’hekk tobbligak tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, inti ma tkunx tista’ ddaħħal iktar data. Mhux se jiġu aċċettati reġistrazzjonijiet li jaslu tard.

Informazzjoni importanti għall-kandidati

Il-kandidati huma mfakkra li x-xogħol tal-bordijiet differenti tas-selezzjoni huwa kunfidenzjali. Il-kandidati ma jistgħux jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri individwali ta’ dawn, u lanqas ma jista’ xi ħadd f’isimhom. Il-mistoqsijiet kollha jridu jiġu indirizzati lis-segretarjat tal-bord relevanti.

Protezzjoni tad-data personali

Il-Kummissjoni tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif obbligat mir-Regolament (UE) 2018/1725. Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u għas-sigurtà ta’ tali data.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(2)  Is-salarju bażiku ta’ kull xahar għandu jkun ugwali għall-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-perċentwal li ġej fuq is-salarju bażiku ta’ uffiċjal AD tal-Unjoni Ewropea fit-tielet skala tal-grad 16: Imħallef: 112,5 %

(3)  Fil-curriculum vitae tagħhom, il-kandidati għandhom jindikaw b’mod ċar x’tip ta’ esperjenza maniġerjali nkisbet għas-snin kollha: (1) it-titolu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kellhom; (2) l-għadd ta’ persunal li jkunu mexxew f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits immaniġġjati; (4) l-għadd ta’ livelli ġerarkiċi superjuri u inferjuri; u (5) l-għadd ta’ kollegi fl-istess livell.

(4)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:01958R0001-20130701&qid=1408533709461&from=EN

(5)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/compilation-of-the-senior-official-policy-at-the-european-commission_en.pdf

(6)  Il-bord tas-selezzjoni jiżgura li ma jingħata l-ebda vantaġġ inġust lill-kelliema nattivi ta’ dawn il-lingwi