ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 94

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 62
12 ta' Marzu 2019


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2019/C 94/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9275 — Intermediate Capital Group/Grupo Conectanet/Konecta Activos Inmobiliarios) ( 1 )

1


 

III   Atti preparatorji

 

Il-Bank Ċentrali Ewropew

2019/C 94/02 CON/2019/11

Opinjoni tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2019 dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (CON/2019/11)

2


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2019/C 94/03

Rata tal-kambju tal-euro

3

2019/C 94/04

Sommarju tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq għall-użu u/jew għall-użu tas-sustanzi elenkati fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (ippubblikat skont l-Artikolu 64(9) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006)  ( 1 )

4

2019/C 94/05

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2019 dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem kif imsemmi fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill — Ayrshire New Potatoes/Ayrshire Earlies (IĠP)

5


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2019/C 94/06

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.9106 — Caisse des Dépôts et Consignations/Reden H2/Berroute) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

9

2019/C 94/07

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.9282 — HCL Technologies/Certain IBM Assets) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

11


 

Rettifika

2019/C 94/08

Rettifika għas-Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Settembru 2018 li jiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mat-tħaddim tal-Ftehim dwar iż-ŻEE ( ĠU C 417, 16.11.2018 )

12


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

12.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 94/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.9275 — Intermediate Capital Group/Grupo Conectanet/Konecta Activos Inmobiliarios)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 94/01)

Fl-1 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32019M9275. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


III Atti preparatorji

Il-Bank Ċentrali Ewropew

12.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 94/2


OPINJONI TAL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-6 ta’ Marzu 2019

dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew

(CON/2019/11)

(2019/C 94/02)

Introduzzjoni u bażi legali

Fl-20 ta’ Frar 2019, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-President tal-Kunsill Ewropew għal opinjoni dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2019 (1) dwar il-ħatra ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

Il-kompetenza tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li ġiet ippreżentata lill-Kunsill Ewropew, u li fuqha qed jiġu kkonsultati l-Parlament Ewropew u l-Kunsill Governattiv tal-BĊE, tirrikkmanda illi Philip R. LANE jinħatar bħala membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għal mandat ta’ tmien snin b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2019.

2.

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE huwa tal-opinjoni illi l-kandidat propost huwa persuna ta’ statura rikonoxxuta u b’esperjenza professjonali fi kwistjonijiet monetarji jew bankarji kif mitlub mill-Artikolu 283(2) tat-Trattat.

3.

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE m’għandu l-ebda oġġezzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex jaħtar lil Philip R. LANE bħala membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-6 ta’ Marzu 2019.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU C 60, 15.2.2019, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

12.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 94/3


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-11 ta’ Marzu 2019

(2019/C 94/03)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1244

JPY

Yen Ġappuniż

124,91

DKK

Krona Daniża

7,4608

GBP

Lira Sterlina

0,86240

SEK

Krona Żvediża

10,5802

CHF

Frank Żvizzeru

1,1349

ISK

Krona Iżlandiża

136,40

NOK

Krona Norveġiża

9,7700

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,656

HUF

Forint Ungeriż

315,84

PLN

Zloty Pollakk

4,2994

RON

Leu Rumen

4,7491

TRY

Lira Turka

6,1177

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5935

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5093

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,8264

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6492

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5283

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 275,28

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

16,1520

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,5612

HRK

Kuna Kroata

7,4130

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 067,68

MYR

Ringgit Malażjan

4,5982

PHP

Peso Filippin

58,751

RUB

Rouble Russu

74,2572

THB

Baht Tajlandiż

35,655

BRL

Real Brażiljan

4,3275

MXN

Peso Messikan

21,8444

INR

Rupi Indjan

78,5470


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


12.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 94/4


Sommarju tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq għall-użu u/jew għall-użu tas-sustanzi elenkati fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH)

(ippubblikat skont l-Artikolu 64(9) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (1) )

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 94/04)

Deċiżjonijiet li jagħtu awtorizzazzjoni

Referenza tad-Deċiżjoni (2)

Id-data tad-deċiżjoni

Isem is-sustanza

Detentur tal-awtorizzazzjoni

Numru tal-awtorizzazzjoni

Użu awtorizzat

Id-data tal-iskadenza tal-perjodu ta’ rieżami

Raġunijiet għad-Deċiżjoni

C(2019) 1663

It-5 ta’ Marzu 2019

Triossidu tal-kromu

Numru EC: 215-607-8,

Numru CAS 1333-82-0

Federal-Mogul Burscheid GmbH, Buergermeister-Schmidt-Str. 17, 51399 Burscheid, il-Ġermanja

REACH/19/6/0

L-użu tat-triossidu tal-kromu fil-kisi funzjonali bil-kromu tar-rings tal-pistun għall-magni tal-karrozzi skont kif jintużaw fil-kategoriji vettura ħafifa tal-petrol, vettura ħafifa tad-diżil, vettura medja tad-diżil u vetturi tqal.

Il-21 ta’ Settembru 2029

Skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, il-benefiċċji soċjoekonomiċi jegħlbu r-riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent li jirriżultaw mill-użu tas-sustanza u ma hemmx sustanzi jew teknoloġiji alternattivi xierqa f’termini tal-fattibbiltà teknika u ekonomika tagħhom.


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tinsab fis-sit web tal-Kummissjoni Ewropea: http://ec.europa.eu/growth/sectors/chemicals/reach/about/index_mt.htm


12.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 94/5


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Marzu 2019

dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem kif imsemmi fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” (IĠP)

(2019/C 94/05)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Renju Unit bagħat lill-Kummissjoni applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” skont l-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(2)

Skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Sabiex ikunu jistgħu jitressqu l-avviżi ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, id-dokument uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmijin fl-Artikolu 50(2)(a) ta’ dak ir-Regolament għall-isem “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” jenħtieġ li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Id-dokument uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmijin fl-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għall-isem “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” (IĠP) jinsabu fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tagħti d-dritt ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


ANNESS

DOKUMENT UNIKU

“AYRSHIRE NEW POTATOES”/“AYRSHIRE EARLIES”

Nru tal-UE: PGI-GB-02286 – 31.1.2017

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem/ismijiet

“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Ir-Renju Unit

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta' prodott

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1)

L-isem “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” jingħata lill-patata immatura tal-ispeċi Solanum tuberosum tal-familja Solanaceae li titkabbar fil-kontea ta' Ayrshire, fil-Lbiċ tal-Iskozja. Din trid tinżera', titkabbar u tinqala' fiż-żona ġeografika ddefinita.

L-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” titkabbar mill-varjetajiet bażiċi taż-żerriegħa elenkati fir-reġistri nazzjonali tal-varjetajiet tal-Istati Membri tal-UE. Il-varjetajiet ewlenin li jintużaw u l-istima tas-sehem mis-suq tagħhom huma attwalment l-Epicure (8 %), il-Casablanca (40 %), l-Isle of Jura (12 %) u l-Maris Peer (40 %). Il-varjetajiet jistgħu jinbidlu hekk kif il-karatteristiċi tat-tnissil jadattaw ruħhom imma l-inklużjoni tagħhom bħala varjetà bażika għall-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” l-iktar li tkun iddeterminata huwa mill-karatteristiċi tagħhom kif deskritt hawn taħt, kif ukoll mill-abbiltà tagħhom li jkunu lesti biex jinqalgħu bejn Mejju u Lulju.

L-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” għandhom livell relattivament baxx ta' materja niexfa ta' mhux aktar minn 20 %. Il-materja niexfa tinbidel skont il-varjetà, il-maturità u l-istaġun.

Il-varjetà “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” hija żgħira fid-daqs (15–65 mm dijametru), b'forma tonda jew ovali u għandha qoxra ratba. Għandha togħma u aroma terrena qawwija u li tixbah lill-ġewż. Għandha konsistenza kremuża u soda bħala riżultat ta' kontenut baxx ta' lamtu b'valuri ta' bejn 10 u 15 %. Il-kwantità tal-lamtu tiġi ddeterminata skont l-istaġun u l-varjetà. Minħabba li ma fihiex wisq lamtu, lill-patata “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” jagħmilha ideali għat-togħlija u biex tintuża meta din tkun trid iżżomm sħiħa (jiġifieri fl-insalati). Il-kulur tagħha jvarja bejn abjad u lewn il-krema skont il-varjetà, u huwa konsistenti fil-patata sħiħa.

Il-varjetà “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” tinqala' bejn il-bidu ta' Mejju u l-aħħar ta' Lulju qabel ma tinqala' l-patata komuni. Il-patata li tinqala' l-ewwel f'Mejju tinbiegħ mingħajr ma tinħasel sabiex ma ssirx ħsara għall-ġilda ratba tagħha. Il-kontenut tal-ħamrija ma jkunx iktar minn 1 % f'piż ta' tuberi. Iktar ma jgħaddi ż-żmien fl-istaġun, il-ġilda tibbies biżżejjed biex tkun tista' tinħasel.

L-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” tinbiegħ skont il-piż, jew ippakkjata b'piżijiet differenti, u ma tistax tinbiegħ lill-konsumaturi finali wara l-aħħar jum ta' Lulju.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” trid tinżera', titkabbar u tinqala' fiż-żona speċifikata.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ., tal-prodott li għalih jirreferi l-isem reġistrat

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Fuq it-tikketta jrid ikun hemm it-terminu “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies”.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Ir-reġjun ta' Ayrshire fil-Punent tal-Iskozja fi ħdan il-konfini ġeografiċi tal-Awtoritajiet Lokali fit-Tramuntana, fil-Lvant u fin-Nofsinhar ta' Ayrshire. Fil-Punent il-kontea ta' Ayrshire tmiss mal-Firth of Clyde u testendi ruħha mill-inħawi kostali ta' Skelmorlie fit-Tramuntana sa Ballantrae fin-Nofsinhar u Glenbuck fil-Lvant. Il-kontea tinkludi wkoll l-Isle of Arran u l-Cumbrae Isles.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta tal- “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” maż-żona ġeografika hija bbażata fuq il-kwalità u r-reputazzjoni tal-prodott. L-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” minn dejjem kellha r-reputazzjoni li timmarka l-bidu tal-provvista tal-patata ġdida Skoċċiża staġonali. Hemm ħafna fatturi li influwenzaw it-togħma tal-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” fosthom il-ħamrija ħafifa, il-klima moderata, il-fertilizzanti, il-ħsad kmieni u l-veloċità tal-konsenja lejn is-swieq.

It-togħma partikolari tal-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” hija influwenzata mill-istaġun qasir tat-tkabbir tagħha. Il-klima moderata u l-ħamrija unika ta' Ayrshire jippermettu li l-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” titħawwel, titkabbar u tinqala' kmieni fis-sena, aktar kmieni milli fi nħawi oħra tal-Iskozja.

L-Ayrshire ilu fil-qalba tal-industrija Skoċċiża (u saħansitra tar-Renju Unit) tat-tkabbir tal-patata sa minn meta l-kultivazzjoni tagħha ġiet irrappurtata għall-ewwel darba fl-Iskozja fuq bażi kummerċjali fl-1793. Iż-żona tipprovdi l-ewwel patata prodotta kummerċjalment u mkabbra fl-Iskozja u l-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” hija magħrufa mal-pajjiż kollu għall-kwalità tagħha, għal togħmitha u bħala simbolu ta' staġun ġdid. F'pubblikazzjonijiet tal-istampa, storiċi u attwali, dan il-prodott ilu magħruf ukoll bħala “South West Earlies” u “Early Ayrshires”.

Minħabba l-ħamrija ramlija u ħafifa u s-sħana bikrija mill-Kurrent tal-Golf, l-ażjendi agrikoli f'Ayrshire, b'mod partikolari dawk tul il-kosta ta' Ayrshire minn dejjem setgħu jiżirgħu l-patata tagħhom ftit ġimgħat qabel minn partijiet oħra fl-Iskozja. Iċ-ċiklu oriġinali tal-għalla tal-patata kien li titħawwel f'Ġunju u tinqala' f'nofs il-Ħarifa.

Fil-ktieb “A Corner of Carrick” ta' James A. Guthrie, hemm kapitlu jismu “The Early Ayrshires”. Dan il-kapitlu jipprovdi informazzjoni dwar il-kummerċjaliżmu tal-patata bikrija u juri kif fl-1857, żewġ bdiewa minn Ayrshire (Dunlop u Hannah) żaru ċ-Channel Islands (fejn il-bdiewa kienu ilhom iħawlu għelejjel bikrin għal ħafna snin) biex jistudjaw kif kien jirnexxilhom ikabbru l-patata daqshekk kmieni fis-sena.

Fl-1881, ġie żviluppat metodu ġdid biex jgħin fil-kultivazzjoni tal-patata bikrija msejjaħ tnebbit (sprouting), u dan tkompla u ġie implimentat fiż-żona minn ħafna bdiewa f'Ayrshire. B'dan il-metodu ġdid għat-tkabbir tal-ħxejjex, iċ-ċiklu tat-tħawwil sar jibda kmieni fi Frar. Dan jippermetti li l-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” tibda tinqala' fit-tieni nofs ta' Mejju fiż-żoni kostali ta' Ayrshire, u tkompli tinqala' gradwalment 'il ġewwa mill-kosta iktar ma javvanza l-istaġun.

Jeżistu rekords ta' rappurtaġġ tal-istampa dwar il-patata bikrija mkabbra f'Ayrshire li jmorru lura sal-1857 meta n-North British Agriculturalist u l-Edinburgh Evening News semmew it-tkabbir tal-patata “ipprattikata b'mod estensiv matul il-kosta fuq ħamrija ħafifa u bikrija”. Kważi 100 sena wara, artikolu intitolat “South-West Earlies Win The Race” f'The Glasgow Herald Agriculture Survey (tal-1 ta' Frar, 1956) stqarr li “Għal kważi seklu sħiħ, l-għalla tal-patata bikrija kellha rwol importanti ferm fl-ekonomija tal-biedja fil-Lbiċ tal-Iskozja”.

Fil-parroċċa ta' Maybole, f'Ayrshire, kien jintqal li t-tkabbir tal-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” kien “ix-xogħol prinċipali” fl-1951 skont The Statistical Account of Scotland ta' John Strawhorn u William Boyd. Fil-ktieb tagħha “Tattie howkers” (2005), Heather Holmes tikkwota li l-“għelejjel ta' patata bikrija, jew Earlies, saru sinonimi mal-kontea ta” Ayrshire, bħalma kienu saru t-termini “Ayrshires” u “Ayrshire potatoes” u t-tkabbir tagħha kien “fergħa speċjalizzata u intensiva tal-biedja ta' Ayrshire”. Fl-1901, fil-pubblikazzoni North British Agriculturalist, ġie rrappurtat li f'Girvan, il-patata kienet “(prodott) mill-iktar importanti fid-distrett”. Il-ktieb “Old West Kilbride” ta' Molly Blyth għandu s-sottotitlu “The Tattie Toon” minħabba r-rabta ta' din il-belt kostali f'Ayrshire mat-tkabbir tal-patata u speċifikament mal-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies”.

Kien hemm ukoll artiklu fuq l-Internet fis-sit web tal-Farming UK li fih intqal li “l-Patata ġdida ta' Ayrshire, li hija sinonima mas-sajf, hija meqjusa b'mod mifrux li għandha waħda mill-ifjen togħmiet u hija mfittxija ħafna matul l-istaġun tagħha li jdum tmien ġimgħat”.

Hemm bosta siti tal-Internet li jipprovdu riċetti li jużaw l-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies”. Red Book Recipes jippreċiża li “l-patata ġdida bikrija li tiġi minn Ayrshire hija fost l-aqwa fil-Gran Brittanja”. Is-sit web jipprovdi dettalji dwar il-patata bikrija u jagħti wkoll struzzjonijiet dwar kif wieħed isajjar il-patata b'mod perfett.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament)

https://www.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/641216/protected-food-name-ayrshire-earlies-spec.pdf


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

12.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 94/9


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9106 — Caisse des Dépôts et Consignations/Reden H2/Berroute)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 94/06)

1.   

Fil-5 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Il-Caisse des Dépôts et des Consignations (“CDC”, Franza),

Il-kumpanija Reden H2 (Franza), sussidjarja tal-grupp Reden Solar, ikkontrollata minn Eurazeo u InfraVia,

SAS Berroute (“Berroute”, Franza).

It-tranżazzjoni tikkonsisti fl-akkwist tal-kontroll konġunt, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, tal-impriza konġunta (joint venture, JV) Berroute mis-CDC u Reden H2, li diġà jikkontrollaw b’mod esklussiv Berroute.

Il-konċentrazzjoni tinkiseb permezz ta’ akkwist ta’ 49 % ta’ ishma mis-CDC mill-kapital ta’ Berroute.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

CDC hija istituzzjoni pubblika li twettaq kompiti ta’ interess ġenerali b’appoġġ għall-politiki pubbliċi mmexxija mill-Istat u hija attiva fil-ġestjoni ta’ fondi privati. Hija twettaq ukoll attivitajiet permezz tas-sussidjarji tagħha fl-oqsma tal-enerġija u l-ambjent, il-proprjetà immobbli, l-investiment u s-servizzi;

Reden Solar hija grupp ta’ kumpaniji, li Reden H2 tagħmel parti minnu, attiv fis-settur tad-disinn, l-iżvilupp ta’ proġetti, il-kostruzzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni tal-impjanti fotovoltajċi. Il-kumpaniji prinċipali tiegħu, Eurazeo u InfraVia huma kumpaniji ta’ investimenti;

Berroute hija kumpanija għall-iżvilupp, il-kostruzzjoni, il-finanzjament u t-tħaddim tal-proġett għall-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ impjant tal-enerġija fotovoltajka li jinsab f’Saucats, Franza.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni Ewropea tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Dawn il-kummenti jeħtieġ li jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara id-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja tiġi dejjem speċifikata:

M.9106 — Caisse des Dépôts et Consignations/Reden H2/Berroute

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

Commission européenne

Direction générale de la concurrence

Greffe des concentrations

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


12.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 94/11


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9282 — HCL Technologies/Certain IBM Assets)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 94/07)

1.   

Fil-5 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

HCL Technologies Limited (“HCL”) (l-Indja),

Ċerti assi u obbligazzjonijiet minn International Business Machines Corporation (“IBM”) (l-Istati Uniti tal-Amerika) li jinkludu erba’ portafolli ta’ prodotti ta’ software magħżula (“il-Kumpanija fil-Mira”).

HCL takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll ta’ partijiet minn IBM.

Il-konċentrazzjoni titwettaq permezz tax-xiri ta’ assi.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   for HCL: il-forniment ta’ teknoloġija u servizzi tal-IT,

—   għall-Kumpanija fil-Mira: ċerti portafolli tas-software tal-IT li jikkonċernaw il-kummerċjalizzazzjoni, il-kummerċ, is-sigurtà u s-software ta’ kollaborazzjoni.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.9282 — HCL Technologies/Certain IBM Asset

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks: +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


Rettifika

12.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 94/12


Rettifika għas-Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Settembru 2018 li jiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mat-tħaddim tal-Ftehim dwar iż-ŻEE

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 417 tas-16 ta’ Novembru 2018 )

(2019/C 94/08)

Fil-qoxra, fil-werrej, u f’paġna 4, wara t-titolu:

minflok:

(notifikata skont id-dokument C(2018) 5534)

aqra:

(notifikata bid-dokument C(2018) 5748)