ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 441

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
7 ta' Diċembru 2018


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 441/01

Notifika tal-Kummissjoni — Miżuri kkunsidrati effettivi b'mod indaqs għall-Artikolu 4 tad-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill

2018/C 441/02

Il-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa — Rapport mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) li jissuġġerixxi emendi għall-Anness II tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2017

3

2018/C 441/03

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-kuntest tal-kwistjonijiet marbutin mal-migrazzjoni u r-refuġjati

5

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 441/04

Rata tal-kambju tal-euro

11

2018/C 441/05

Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2018 dwar abbozz ta’ deċiżjoni relatat mal-Każ M.8451 — Tronox/Cristal — Relatur: Is-Slovenja

12

2018/C 441/06

Ir-Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (M.8451 — Tronox/Cristal)

13

2018/C 441/07

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2018 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ M.8451 — Tronox/Cristal) (notifikat bid-dokument C(2018) 4120)  ( 1 )

15

2018/C 441/08

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2018 dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni ta’ Prodott imsemmi fl-Artiklu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-isem Vitellone Bianco dell’Appennino Centrale (IĠP)

20


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 441/09

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.9187 — Autolaunch/Beijing Electric Vehicle Co/JVs) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

31


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

7.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 441/1


NOTIFIKA TAL-KUMMISSJONI

Miżuri kkunsidrati effettivi b'mod indaqs għall-Artikolu 4 tad-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa

(2018/C 441/01)

1.   Kummenti ġenerali

L-Artikolu 4 tad-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa (minn hawn 'il quddiem l-ATAD) (1) jirrikjedi li l-Istati Membri jintroduċu regoli ta' limitazzjoni tal-imgħax li għandhom jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali sal-31 ta' Diċembru 2018 (2).

Skont l-Artikolu 11(6) ATAD “(…) l-Istati Membri li għandhom regoli nazzjonali mmirati biex jipprevjenu r-riskji tal-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitti (BEPS) fit-8 ta' Awwissu 2016, li huma effettivi ndaqs għar-regola dwar il-limitazzjoni tal-imgħax stipulata f'din id-Direttiva, jistgħu japplikaw dawn ir-regoli mmirati sa tmiem l-ewwel sena fiskali sħiħa wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-ftehim bejn il-membri tal-OECD fuq is-sit web uffiċjali dwar standard minimu fir-rigward tal-Azzjoni 4 tal-BEPS, iżda mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2024.

L-Artikolu 10(3) ATAD jistipula li “L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 11(6) għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni qabel l-1 ta' Lulju 2017 kull informazzjoni neċessarja sabiex tiġi evalwata l-effettività tar-regoli nazzjonali mmirati biex jipprevjenu r-riskji tal-BEPS.”

2.   Miżuri kkunsidrati effettivi b'mod indaqs għall-Artikolu 4 ATAD

Is-servizzi tal-Kummissjoni jikkunsidraw ir-regoli li ġejjin, kif innotifikati mill-Istat Membru kkonċernat, bħala “effettivi b'mod indaqs” għar-regoli ta' limitazzjoni tal-imgħax fl-Artikolu 4 ATAD. L-Istati Membri kkonċernati jistgħu jkomplu japplikaw dawn ir-regoli b'konformità mal-Artikolu 11(6) ATAD:

il-Greċja — Artikolu 49 tal-Liġi 4172/2013,

Franza — Artikolu 212 ta' “code général des impôts (‘rabot’)”,

is-Slovakkja — Taqsima 21a Att 595/2003 Coll.

is-Slovenja — Artikolu 32 ta' “zakon o davku od dohodkov pravnih oseb” (ZDDPO-2), u

Spanja — (1) Artikoli 16 u 63 ta' “Ley 27/2014, Del Impuesto Sobre Sociedades (territorio comun)” u (2) Artikolu 24 ta' “Ley Foral 26/2016, Del Impuesto Sobre Sociedades (Navarra)”.

3.   Kriterji għall-Valutazzjoni tal-effettività b'mod indaqs

Abbażi tal-punti ta' riferiment stabbiliti fl-ATAD, is-Servizzi tal-Kummissjoni vvalutaw (1) is-similarità legali u (2) l-ekwivalenza ekonomika tal-miżuri nnotifikati mill-Istati Membri.

Is-suppożizzjoni bażika għall-eżami tal-ekwivalenza legali tal-miżuri nnotifikati kienet li l-miżuri li jiżguraw il-limitazzjoni fuq id-deduċibbiltà tal-ispejjeż tas-self eċċessivi fir-rigward tal-fatturi tal-profitabbiltà tal-kontribwent biss jistgħu jiġu kkunsidrati primarjament bħala effettivi b'mod indaqs fl-indirizzar tat-tnaqqis tal-imgħax eċċessiv.

L-analiżi tal-ewkivalenza ekonomika tar-regoli nnotifikati u l-Artikolu 4 ATAD kienet tinvolvi żewġ kriterji.

L-ewwel nett, bħala rekwiżit minimu, jenħtieġ li l-miżura nnotifikata ma tipproduċix konsiderevolment inqas dħul mir-regola ta' limitazzjoni tal-imgħax abbażi tal-Artikolu 4 ATAD.

It-tieni nett, il-miżura nazzjonali nnotifikata kienet ikkunsidrata “effettiva b'mod indaqs” għall-Artikolu 4 ATAD fejn l-applikazzjoni tagħha kienet twassal għal obbligazzjoni tat-taxxa simili jew ogħla għall-maġġoranza tal-impriżi kbar (in-negozji kollha minbarra l-intrapriżi żgħar u medji) meta mqabbel mar-riżultat stmat taħt ir-regola ta' limitazzjoni tal-imgħax tal-ATAD.


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta' Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU L 193, 19.7.2016, p. 1).

(2)  Bis-saħħa tal-Artikolu 11(1) ATAD.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill

7.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 441/3


Il-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa — Rapport mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) li jissuġġerixxi emendi għall-Anness II tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2017

(2018/C 441/02)

B’effett mill-jum tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-Anness II tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2017 dwar il-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa (1), kif emendata f’Jannar (2), f’Marzu (3), f’Mejju (4), f’Ottubru (5) u f’Novembru (6) 2018, huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS II

Sitwazzjoni attwali tal-kooperazzjoni mal-UE fir-rigward tal-impenji meħuda sabiex jimplimentaw il-prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa

1.   Trasparenza

1.1.   Impenn sabiex jiġi implimentat l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni, jew permezz tal-firma ta’ Ftehim Multilaterali tal-Awtoritajiet Kompetenti jew permezz ta’ ftehimiet bilaterali

Il-ġurisdizzjonijiet li ġejjin huma impenjati li jimplimentaw skambju awtomatiku ta’ informazzjoni sal-2018:

Antigua u Barbuda, Curaçao, Dominica, Grenada, il-Gżejjer Marshall, New Caledonia, Oman, Palau, il-Qatar u t-Tajwan

Il-ġurisdizzjonijiet li ġejjin huma impenjati li jimplimentaw skambju awtomatiku ta’ informazzjoni sal-2019:

It-Turkija

1.2.   Sħubija fil-Forum Dinji dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni għal finijiet ta’ taxxa u klassifikazzjoni sodisfaċenti

Il-ġurisdizzjonijiet li ġejjin huma impenjati li jsiru membri tal-Forum Globali u/jew ikollhom klassifikazzjoni sodisfaċenti sal-2018:

Anguilla, Curaçao, il-Gżejjer Marshall, New Caledonia u Palau

Il-ġurisdizzjonijiet li ġejjin huma impenjati li jsiru membri tal-Forum Globali u/jew ikollhom klassifikazzjoni suffiċjenti sal-2019:

Fiġi, il-Ġordan, in-Namibja, it-Turkija u l-Vjetnam

1.3.   Firma u ratifika tal-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka jew netwerk ta’ ftehimiet li jkopru l-Istati Membri kollha tal-UE

Il-ġurisdizzjonijiet li ġejjin huma impenjati li jiffirmaw u jirratifikaw il-MAC jew li jkollhom fis-seħħ netwerk ta’ ftehimiet li jkopru l-Istati Membri kollha tal-UE sal-2018:

Antigua u Barbuda, Dominica, New Caledonia, l-Oman, Palau, il-Qatar u t-Tajwan

Il-ġurisdizzjonijiet li ġejjin huma impenjati li jiffirmaw u jirratifikaw il-MAC jew li jkollhom fis-seħħ netwerk ta’ ftehimiet li jkopru l-Istati Membri kollha tal-UE sal-2019:

l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Botswana, Cape Verde, l-Eswatini, Fiġi, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Ġamajka, il-Ġordan, il-Maldivi, il-Mongolja, il-Montenegro, il-Marokk, in-Namibja, is-Serbja, it-Tajlandja, u l-Vjetnam.

2.   Tassazzjoni ġusta

2.1.   Eżistenza ta’ sistemi ta’ taxxa dannużi

Il-ġurisdizzjonijiet li ġejjin huma impenjati li jemendaw jew jabolixxu r-reġimi identifikati sal-2018:

Antigua u Barbuda, Aruba, Barbados, il-Belize, il-Botswana, Cape Verde, il-Gżejjer Cook, Curacao, Dominica, il-Fiġi, Grenada, Hong Kong SAR, il-Ġordan, il-Korea (Repubblika tal-), il-Gżira Labuan, Macao SAR, il-Malasja, il-Maldivi, Mauritius, il-Marokk, il-Panama, Saint Kitts u Nevis, Saint Lucia, Saint Vincent u l-Grenadini, is-Seychelles, l-Iżvizzera, it-Tajwan, it-Tajlandja, it-Tuneżija, it-Turkija u l-Urugwaj

Il-ġurisdizzjoni li ġejja hija impenjata li temenda jew tabolixxi r-reġimi identifikati fi żmien 12-il xahar wara l-jum tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea:

In-Namibja

2.2.   Eżistenza ta’ sistemi tat-taxxa li jiffaċilitaw strutturi offshore li jattiraw profitti mingħajr attività ekonomika reali

Il-ġurisdizzjonijiet li ġejjin huma impenjati li jindirizzaw it-tħassib relatat mas-sustanza ekonomika sal-2018:

Anguilla, il-Bahamas, il-Bahrain, Bermuda, il-Gżejjer Verġni Brittaniċi, il-Gżejjer Cayman, Guernsey, Isle of Man, Jersey, il-Gżejjer Marshall, il-Gżejjer Turks u Kajkos, l-Emirati Għarab Magħquda u Vanuatu

3.   Miżuri kontra l-BEPS

3.1.   Sħubija fil-Qafas Inklużiv dwar il-BEPS jew implimentazzjoni ta’ standards minimi dwar il-BEPS

Il-ġurisdizzjonijiet li ġejjin huma impenjati li jsiru membri fil-Qafas Inklużiv jew jimplimentaw l-istandard minimu dwar il-BEPS sal-2018:

Il-Gżejjer Cook, il-Gżejjer Faeroe, Greenland, il-Gżejjer Marshall, New Caledonia, Palau, it-Tajwan u Vanuatu

Il-ġurisdizzjonijiet li ġejjin huma impenjati li jsiru membri fil-Qafas Inklużiv jew jimplimentaw l-istandard minimu dwar il-BEPS sal-2019:

L-Albanija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, Cape Verde, l-Eswatini, Fiġi, il-Ġordan, il-Montenegro, il-Marokk u n-Namibja.

Il-ġurisdizzjonijiet li ġejjin huma impenjati li jsiru membri fil-Qafas Inklużiv jew jimplimentaw l-istandard minimu dwar il-BEPS jekk u meta t-tali impenn isir rilevanti:

Nauru, Niue

”.

(1)  ĠU C 438, 19.12.2017, p. 5.

(2)  ĠU C 29, 26.1.2018, p. 2.

(3)  ĠU C 100, 16.3.2018, p. 4 u ĠU C 100, 16.3.2018, p. 5.

(4)  ĠU C 191, 5.6.2018, p. 1.

(5)  ĠU C 359, 5.10.2018, p. 3.

(6)  ĠU C 403, 9.11.2018, p. 4.


7.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 441/5


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-kuntest tal-kwistjonijiet marbutin mal-migrazzjoni u r-refuġjati

(2018/C 441/03)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

JIEĦU NOTA TA’:

1.

L-Artikolu 165(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1), li jiddikjara li l-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun immirata lejn l-“inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa”.

2.

L-Artikolu 79(4) u (5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2), li jiddikjara li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jistabbilixxu miżuri li jipprovdu inċentivi għall-promozzjoni tal-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe armonizzazzjoni ta’ liġijiet jew regolamenti tal-Istati Membri. Id-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-volumi ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu minn pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom sabiex ifittxu impjieg ma għandux ikun affettwat.

3.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3), speċjalment il-prinċipji rikonoxxuti fost l-oħrajn fl-Artikoli 21 (Nondiskriminazzjoni), 23 (Ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa) u 24 (Id-drittijet tat-tfal).

4.

Il-Qafas Imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) (4) u l-Pjan ta’ Ħidma attwali għaż-Żgħażagħ (2016-2018) (5).

5.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Ewropa 2020” kif approvata mill-Kunsill Ewropew li jirrikonoxxi “r-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala fornitur ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim mhux formali liż-żgħażagħ kollha” (6).

6.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (7), li tappella għal fehim aħjar tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, u rwol imsaħħaħ, speċifikament fir-rigward tal-promozzjoni, l-appoġġ u l-iżvilupp tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fuq firxa ta’ livelli.

7.

Id-Dikjarazzjoni għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni (id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi 2015) (8).

8.

Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2016)7 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Aċċess taż-Żgħażagħ għad-Drittijiet (9).

9.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (10).

10.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (11), u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal (12), fejn hija enfasizzata l-ħtieġa li jiġu protetti t-tfal kollha, irrispettivament mill-istatus tagħhom, u li tingħata dejjem konsiderazzjoni primarja lill-aħjar interessi tat-tfal, inkluż tfal mhux akkumpanjati u dawk separati mill-familji tagħhom, f’konformità sħiħa mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv tagħha.

11.

Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tal-Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar il-“Ħidma fost iż-żgħażagħ għal żgħażagħ refuġjati u ċittadini ta’ pajjiżi terzi”.

JIRRIKONOXXI li

1.

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ huwa terminu wiesa’ li jkopri firxa kbira ta’ attivitajiet ta’ natura soċjali, kulturali, edukattiva jew politika kemm minn, ma’, kif ukoll għaż-żgħażagħ. L-attivitajiet jinkludu wkoll l-isport u s-servizzi għaż-żgħażagħ. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tappartjeni għall-qasam tal-edukazzjoni “barra l-iskola”, kif ukoll għal attivitajiet tal-ħin liberu speċifiċi mmexxija minn persuni professjonali jew volontarji li jaħdmu maż-żgħażagħ (13) u mexxejja taż-żgħażagħ u hija bbażata fuq proċessi ta’ tagħlim mhux formali u fuq parteċipazzjoni volontarja (14). Il-ħidma fost iż-żgħażagħ hija essenzjalment prattika soċjali, li tinvolvi liż-żgħażagħ u s-soċjetajiet fejn huma jgħixu, u li tiffaċilita l-parteċipazzjoni attiva u l-inklużjoni taż-żgħażagħ fil-komunitajiet tagħhom u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. (15)

2.

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tikkonċentra fuq iż-żgħażagħ, li huma ċ-ċentru tal-politiki, il-metodi u l-attivitajiet relatati kollha. Iż-żgħażagħ, inkluż żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi (16) jitqiesu bħala individwi kompetenti b’abbiltajiet u punti sodi, bil-kapaċità li jsawru l-ġejjieni tagħhom.

3.

Ir-realtajiet u l-prattiki tal-ħidma fost iż-żgħażagħ ivarjaw, skont il-kuntest lokali, reġjonali u nazzjonali. Il-forom kollha tal-kooperazzjoni proposta huma maħsuba li jappoġġaw din l-istampa eteroġenea u ma għandhomx l-għan li jillimitawha bl-armonizzazzjoni.

4.

Fost il-prinċipji gwida tal-ħidma fost iż-żgħażagħ hemm l-importanza tal-promozzjoni tal-valuri Ewropej, tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, ir-rispett tad-drittijiet u l-osservanza tal-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’kont meħud tad-differenzi possibbli fil-kondizzjonijiet tal-għajxien, il-ħtiġijiet, l-aspirazzjonijiet, l-interessi u l-attitudnijiet taż-żgħażagħ minħabba fatturi varji u r-rikonoxximent taż-żgħażagħ kollha bħala riżorsa għas-soċjetà (17). L-abbiltà tal-ħidma fost iż-żgħażagħ li tkun reattiva għall-individwi hija ta’ valur partikolari biex jingħarfu l-abbiltajiet u l-punti sodi ta’ żgħażagħ b’anqas opportunitajiet.

5.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi li jirriskjaw marġinalizzazzjoni multipla minħabba l-isfond tagħhom bħala migranti flimkien ma’ raġunijiet possibbli oħrajn ta’ diskriminazzjoni, bħall-oriġini etnika, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, diżabbiltà, ir-reliġjon, it-twemmin jew l-opinjoni politika tagħhom.

6.

L-għan tal-ħidma fost iż-żgħażagħ huwa li jinkisbu destinazzjonijiet pożittivi fit-transizzjoni mill-adoloxxenza għall-ħajja adulta (18). Iż-żgħażagħ, inkluż żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, huma individwi li jesperjenzaw dan il-perijodu ta’ transizzjoni. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ għandha l-għan li tinkludi ż-żgħażagħ kollha fis-soċjetà, filwaqt li toffri wkoll għodod u opportunitajiet biex tippermettilhom jinfluwenzaw is-soċjetà bħala ċittadini attivi. Din in-natura inklużiva tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għandha tiġi applikata bħala appoġġ għall-inklużjoni ta’ żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi fis-soċjetà ospitanti l-ġdida tagħhom, filwaqt li din il-ħidma tkun konxja b’mod rispettuż li l-proċess tal-inklużjoni ta’ dawn iż-żgħażagħ jibda minn punt differenti minn dak taż-żgħażagħ lokali.

7.

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ hija deskritta wkoll bħala sħubija edukattiva bejn iż-żgħażagħ u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ (19). Dan it-tagħlim iseħħ f’ambjent mhux formali u informali. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tfittex li twessa’ l-orizzonti taż-żgħażagħ involuti fil-ħidma tagħha, li tippromwovi l-parteċipazzjoni, u li tistieden impenn soċjali ta’ żgħażagħ, b’mod partikolari billi toffrilhom opportunitajiet biex isiru attivi, billi tħeġġeġ liż-żgħażagħ ikunu kritiċi u kreattivi fit-tweġibiet tagħhom għall-esperjenzi li jkollhom u għad-dinja ta’ madwarhom (20). Billi tipprovdi dan l-appoġġ għar-żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, il-ħidma fost iż-żgħażagħ tikkomunika l-fehim kulturali u l-valuri tas-soċjetà ospitanti lill-grupp fil-mira u viċeversa f’approċċ ta’ tagħlim interkulturali.

8.

Il-parteċipazzjoni f’attivitajiet u proġetti ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ u t-tiswir tagħhom issaħħu l-ħiliet, l-abbiltajiet u l-kapaċitajiet tal-atturi kollha involuti: żgħażagħ, inkluż żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll persuni li jaħdmu fost iż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ jagħżlu li jkunu involuti f’attivitajiet ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ anke biex jirrilassaw, jiltaqgħu mal-ħbieb, jibnu relazzjonijiet ġodda, jieħdu gost u jsibu l-appoġġ (21). Għaldaqstant, jeħtieġ li l-ispazji għall-ħidma fost iż-żgħażagħ jipprovdu rispett u gost u joħolqu ambjent akkoljenti, parteċipatorju, ibbilanċjat bejn is-sessi u strutturat b’mod demokratiku, fejn ir-rispett lejn l-oħrajn, għad-diversità, id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri demokratiċi jista’ jkun esperjenzat fil-prattika. F’ambjenti sikuri u mhux diskriminatorji bħal dawn, mingħajr il-ħtieġa għal reġistrazzjoni jew kontribut finanzjarju, fejn id-differenzi individwali huma rispettati billi jsir enfasi fuq l-appoġġ u t-tisħiħ tal-fiduċja li ż-żgħażagħ għandhom fihom innifishom, iż-żgħażagħ għandhom ikunu jistgħu jiżviluppaw u jittestjaw il-fehmiet tagħhom, jieħdu żbalji u jitgħallmu minnhom u miż-żgħażagħ ta’ mparhom.

9.

Li jkun hemm l-opportunità ta’ parteċipazzjoni f’netwerk soċjali varjat ma’ din l-offerta ta’ parteċipazzjoni awtonoma u volontarja jista’ jkun fattur deċiżiv għal parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà. Attivitajiet ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ jintgħażlu skont ir-realtajiet u l-bżonnijiet tal-ħajja taż-żgħażagħ u huma bbażati fuq relazzjonijiet abbażi tar-rispett u l-fiduċja taż-żgħażagħ u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ. Il-bidu u t-tmiem ta’ dawn ir-relazzjonijiet ma għandhomx ikunu definiti minn fattur estern, iżda biss mill-inizjattiva tal-persuna żagħżugħa, inkluż żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi.

10.

Il-metodi tal-ħidma fost iż-żgħażagħ jipprovdu lill-persuni li jaħdmu fost iż-żgħażagħ u liż-żgħażagħ, inkluż żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, ħiliet biex jiġbru informazzjoni imparzjali, u jippermettulhom isaħħu l-abbiltà tagħhom għal awtoriflessjoni, għarfien interkulturali, ħsieb kritiku u reżiljenza.

11.

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tgħin fl-iżvilupp ta’ kompetenzi fil-qasam tal-prevenzjoni ta’ konflitti.

12.

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ toffri mogħdijiet lejn involviment ċiviku u parteċipazzjoni politika billi tipprovdi informazzjoni dwar proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u aċċess għal atturi politikament responsabbli kif ukoll bil-prattika fl-istrutturi demokratiċi permezz ta’ involviment attiv fl-attivitajiet tal-ħidma fost iż-żgħażagħ. Il-parteċipazzjoni volontarja f’kuntest rispettuż u informali tista’ tipprovdi sens pożittiv ta’ identità u appartenenza lir-żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi u tippermettilhom jikkontribwixxu għal bidla pożittiva fis-soċjetà.

13.

Biex jappoġġaw liż-żgħażagħ u jwessgħu l-ambitu tal-attivitajiet tagħhom, il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ għandhom jikkollaboraw mill-qrib ma’ atturi u persuni kkonċernati oħra fil-livell lokali. Permezz ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni, netwerking u kooperazzjoni, il-ħidma fost iż-żgħażagħ tista’ tagħti aċċess individwali liż-żgħażagħ f’oqsma oħra, bħall-edukazzjoni formali, is-suq tax-xogħol, l-abitazzjoni jew il-kura tas-saħħa. L-inkoraġġiment sabiex iż-żgħażagħ jużaw dawn il-pontijiet lejn oqsma oħra huwa ta’ importanza speċjali għall-ħidma fost iż-żgħażagħ ma’ refuġjati żgħażagħ u ċittadini żgħażagħ oħra ta’ pajjiżi terzi.

JISSOTTOLINJA LI L-ĦIDMA FOST IŻ-ŻGĦAŻAGĦ TEĦTIEĠ:

A.   Għarfien u taħriġ

Il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ jeħtieġu għarfien, ħiliet u kompetenzi speċjalizzati biex jinvolvu ruħhom f’relazzjonijiet fit-tul maż-żgħażagħ, inkluż żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, fl-istadji kollha tal-proċess tagħhom; għarfien speċjalizzat jenħtieġ ukoll f’każijiet ta’ involviment ma’ minorenni mhux akkumpanjati; l-għarfien, il-metodi u t-taħriġ jeħtieġu jkunu bbażati fuq għarfien u riflessjoni interkulturali u jridu jkunu l-ħin kollu evalwati u aġġornati skont il-ħtiġijiet u l-perċezzjonijiet li jinbidlu.

B.   Qafas u spazji stabbli

Oqfsa stabbli ta’ drittijiet legali, spazju u mezzi sostenibbli, skont l-istandards ta’ kwalità lokali, reġjonali u nazzjonali tal-ħidma fost iż-żgħażagħ; dan jinkludi spazji sikuri u possibbiltajiet ta’ parteċipazzjoni f’forom inklużivi ta’ attivitajiet ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ għal żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi;

C.   Politiki

Politiki li jippermettu u jappoġġaw l-awtonomija ta’ żgħażagħ, inkluż żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, u l-parteċipazzjoni demokratika attiva tagħhom fit-tfassil tal-politiki;

D.   Netwerking u Riċerka

Huma essenzjali diversi forom ta’ kuntatt u ta’ skambju transettorjali relatati ma’ suġġetti speċifiċi bejn persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u persuni kkonċernati fil-qasam taż-żgħażagħ, kemm wiċċ imb’wiċċ kif ukoll online. Biex ikomplu jitjiebu l-metodi u l-politiki relatati, tinħtieġ informazzjoni imparzjali ta’ kwalità dwar il-ħtiġijiet tal-grupp fil-mira u l-iżviluppi fil-qasam tal-politika.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, FILWAQT LI JIRRISPETTA S-SUSSIDJARITÀ, U JINKLUDI FEJN XIERAQ LIVELLI REĠJONALI U LOKALI, BIEX

A.   Itejbu l-“Għarfien u Taħriġ” billi

1.

iħeġġu l-immappjar u d-disseminazzjoni ta’ eżempji ta’ prattika tajba minn diversi setturi li huma relatati ma’ żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, filwaqt li jintgħaraf il-kontribut ta’ dawn il-prattiki tajbin għall-prevenzjoni ta’ konflitti;

2.

jipprovdu lill-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ strumenti adegwati għal informazzjoni u taħriġ bħal pereżempju dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-oqfsa legali dwar il-proċeduri nazzjonali u lokali għall-migrazzjoni u l-asil, il-lingwi rilevanti, kulturi lokali oħra, id-djalogu interkulturali, is-saħħa u benesseri emozzjonali, kif ukoll dwar is-sikurezza, is-sigurtà u informazzjoni dwar l-aċċess għal appoġġ psikoloġiku għaż-żgħażagħ u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, eċċ.;

3.

jipprovdu informazzjoni dwar narrattivi pożittivi ta’ proċessi ta’ integrazzjoni u inizjattivi ġodda ta’ mudelli eżemplari, filwaqt li jintgħaraf li l-integrazzjoni tibda mill-ewwel jum tal-wasla u hija proċess bidirezzjonali għar-żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll għas-soċjetà ospitanti tagħhom. Il-“proċess ta’ informazzjoni mill-ewwel jum ’il quddiem” jista’ jibda b’suġġetti relatati mal-valuri Ewropej, id-drittijiet tal-bniedem, il-valuri demokratiċi u l-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

4.

jistabbilixxu opportunitajiet ta’ taħriġ u tagħlim bejn il-pari għal żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll għal persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ;

5.

iżidu l-kapaċità ta’ persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ li jsaħħu r-reżiljenza (tagħhom stess kif ukoll dik tal-gruppi fil-mira) u, fir-rigward tat-titjib tal-benesseri u s-saħħa mentali tagħhom, jiffaċilitaw l-aċċess għal appoġġ psikoloġiku bażiku għal żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ;

6.

iħarrġu persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fil-faċilitazzjoni ta’ djalogu interkulturali fuq bażi ugwali bejn il-popolazzjoni lokali u żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi; dan jinkludi ħiliet biex konverżazzjonijiet diffiċli jkunu mmaniġġjati b’mod rispettuż u ta’ appoġġ u biex konflitti jittaffew jew ikunu solvuti b’metodi demokratiċi;

7.

jesploraw modi kif ikunu stabbiliti approċċi ta’ taħriġ formali u/jew mhux formali għal ħaddiema li jaħdmu maż-żgħażagħ, li jaħdmu b’mod attiv ma’ żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi; parteċipazzjoni b’suċċess għandha twassal għal xi forma ta’ rikonoxximent/ċertifikazzjoni.

B.   Jipprovdu u jkabbru l-“Qafas u spazji stabbli” billi

8.

jappoġġaw kull tip ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ biex dawn jilħqu żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, biex jingħataw aċċess għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili u jiġu inklużi, fejn possibbli, bħala parteċipanti attivi u pari;

9.

jipprovdu appoġġ u viżibbiltà għal organizzazzjonijiet jew inizjattivi eżistenti taż-żgħażagħ immexxija minn żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, attivi fi proċessi ta’ inklużjoni li qed jirnexxu;

10.

jibnu netwerks bejn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, klabbs taż-żgħażagħ u servizzi eżistenti li diġà għandhom kuntatti, għarfien u kompetenza esperta tajbin b’rabta mal-ħidma fost żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, u joħolqu netwerk ta’ atturi kkonċernati;

11.

jippermettu modi ta’ parteċipazzjoni attiva għal żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi fil-programmi taż-żgħażagħ lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej eżistenti kollha;

12.

jappoġġaw l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti u proġetti lokali li juru l-abbiltajiet u t-talenti tal-popolazzjoni lokali (irrispettivament mill-isfond tagħhom);

13.

isaħħu lill-istrutturi tal-ħidma fost iż-żgħażagħ sabiex, fejn ikun possibbli u applikabbli, jaġixxu bħala rabta ta’ appoġġ bejn is-servizzi pubbliċi, il-popolazzjoni lokali u żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi. Għaldaqstant, l-awtoritajiet fil-livell responsabbli għandhom:

(a)

jippromwovu programmi, azzjonijiet u proġetti li jiġġieldu l-preġudizzju u l-istereotipi u jindirizzaw biżgħat potenzjali tal-popolazzjoni lokali;

(b)

jippromwovu djalogu interkulturali u interreliġjuż billi jipprovdu appoġġ u viżibbiltà;

(c)

joħolqu viżibbiltà għal “aħbarijiet tajbin” u narrattivi pożittivi;

(d)

jipprovdu programmi, azzjonijiet u proġetti li jqajmu kuxjenza dwar il-kultura, il-valuri u d-drawwiet tas-soċjetajiet ospitanti lokali kif ukoll tar-reġjuni ta’ oriġini ta’ żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi;

(e)

joħolqu spazji sikuri fejn il-komunità lokali, inkluż żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom fi djalogu rispettuż biex jindirizzaw, jipprevjenu u/jew jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, il-ksenofobija u fehmiet razzisti u antisemitiċi. Fejn adatt, l-attivitajiet ta’ dawn l-ispazji sikuri jistgħu jkunu ppubbliċizzati bil-mezzi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

(f)

jappoġġaw u jagħrfu l-kontribut tal-atturi kollha (minn organizzazzjonijiet governattivi kif ukoll mhux governattivi jew inizjattivi privati) involuti fil-proċess;

14.

joħolqu spazji sikuri, adatti għat-tfal u ż-żgħażagħ fi ħdan strutturi ta’ akkoljenza jew ċentri ta’ akkoljenza għar-refuġjati, b’kont meħud tal-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal u taż-żgħażagħ. Dawn l-ispazji għandhom ikunu mħaddma minn persunal tal-ħidma fost iż-żgħażagħ li jkollu ħiliet adegwati, b’kooperazzjoni ma’ professjonisti minn setturi oħra, sabiex it-tagħlim tar-regoli u l-valuri tas-soċjetajiet ospitanti l-ġodda u tal-bżonnijiet u l-isfond tar-żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi ikun jista’ jibda mill-ewwel jum stess;

C.   Isaħħu l-“Politiki” billi

15.

jiżviluppaw strateġiji u oqfsa, fejn adatt, dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni u l-integrazzjoni tar-żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, li jippermettulhom isiru membri attivi tas-soċjetà, anki billi jagħtuhom is-setgħa u jappoġġawhom biex isiru persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ; dan jista’ jsir billi jipprovdu opportunitajiet ta’ taħriġ dwar il-valuri demokratiċi, kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u ta’ parteċipazzjoni, kif ukoll billi jagħtu aċċess għal modi ta’ parteċipazzjoni soċjali u politika attiva. It-taħriġ għandu jinkludi riflessjonijiet dwar ix-xebh u d-differenzi bejn is-sistema u l-valuri tal-pajjiż ospitanti u dawk tal-pajjiż tal-oriġini;

16.

jippruvaw jistabbilixxu qafas ċar ta’ kooperazzjoni tas-setturi differenti li huma parti mill-proċess ta’ integrazzjoni, li jiddefinixxi u jistma b’mod ċar ir-rwoli tas-setturi kollha involuti u s-sinerġiji bejniethom, inkluż l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ immexxija minn żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi;

D.   Jinvestu fin-“Netwerking u Riċerka” billi

17.

jappoġġaw l-istabbiliment ta’ djalogu bejn il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u professjonisti oħra minn sfondi u setturi varji, jiltaqgħu ma’ żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, biex ikunu identifikati kwistjonijiet u opportunitajiet ewlenin għal kooperazzjoni u jesploraw ir-rwol li l-ħidma fost iż-żgħażagħ jista’ jkollha fil-bini tal-kapaċità fi ħdan dawn l-oqsma ta’ politika, filwaqt li jiżguraw li l-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet dwar l-istatus legali jibqgħu separati;

18.

joħolqu netwerks, sħubijiet u seminars jew konferenzi transettorjali, fejn dawk li jfasslu l-politika ta’ setturi differenti, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u żgħażagħ, inkluż żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, jistgħu jiltaqgħu u jipparteċipaw fi djalogu;

19.

jappoġġaw proġetti ta’ riċerka u ħidma fost iż-żgħażagħ ibbażata fuq l-evidenza fis-settur tal-kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni;

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX

A.   Ittejjeb l-“Għarfien u Taħriġ” billi

1.

timmappja bżonnijiet ta’ informazzjoni u taħriġ fi ħdan is-settur Ewropew tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u tipprovdi opportunitajiet għal skambju ta’ informazzjoni jew esperjenza (wiċċ imb’wiċċ kif ukoll online) fil-livell Ewropew dwar, fost l-oħrajn, id-drittijiet tal-bniedem u l-asil, id-djalogu interkulturali, il-lingwi rilevanti u l-bini ta’ reżiljenza;

2.

issaħħaħ l-opportunitajiet ta’ konsulenza bejn il-pari, it-tagħlim u t-taħriġ ta’ żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll ta’ persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ minn sfondi varji billi tagħti aċċess għat-tagħlim ta’ lingwi u l-awtonomizzazzjoni lingwistika, kif ukoll għat-tagħlim formali, mhux formali u informali u l-programmi ta’ mobbiltà;

3.

tkompli tidentifika, tappoġġa u tiddissemina fil-livell tal-Unjoni għodod, metodoloġiji u eżempji eżistenti u innovattivi ta’ prattika tajba b’rabta mal-ħidma fost iż-żgħażagħ fis-setturi kollha li jittrattaw kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni;

B.   Tipprovdi u tkabbar il-“Qafas u Spazji” billi

4.

tieħu passi biex tiżgura parteċipazzjoni attiva għar-refuġjati żgħażagħ u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi fi programmi Ewropej eżistenti u futuri;

5.

tkompli tippromwovi u tappoġġa sħubijiet u inizjattivi transettorjali, b’mod partikolari bejn fornituri ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ, istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, servizzi soċjali u ta’ impjieg, u sħab soċjali li jappoġġaw liż-żgħażagħ, inkluż refuġjati żgħażagħ u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, biex jiksbu u jiżviluppaw ħiliet għall-ħajja;

C.   Issaħħaħ il-“Politiki” billi

6.

tkompli tippromwovi u tappoġġa approċċ transettorjali fl-appoġġ liż-żgħażagħ, inkluż refuġjati żgħażagħ u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, fl-iżvilupp tat-talenti tagħhom, kif ukoll fil-ksib u l-iżvilupp tal-kompetenzi neċessarji biex jiffaċilitaw it-transizzjoni b’suċċess tagħhom għall-ħajja adulta, iċ-ċittadinanza attiva u l-ħajja tax-xogħol;

7.

tipprovdi l-informazzjoni disponibbli, fejn iċ-ċirkostanzi attwali tal-ħajja taż-żgħażagħ, speċjalment dawk ta’ żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, jistgħu ma jkunux f’konformità mal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; u tissuġġerixxi azzjoni, fejn meħtieġ, biex ittejjeb is-sitwazzjoni;

D.   Tinvesti fin-“Netwerking u Riċerka” billi

8.

issaħħaħ l-appoġġ għad-djalogu transettorjali u l-opportunitajiet ta’ netwerking fil-livell Ewropew (għodod online, seminars, konferenzi) biex tippermetti l-bini tal-kapaċitajiet għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, il-partijiet konċernati u l-pari mill-qasam tal-kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni;

9.

tagħmel użu minn strumenti ta’ djalogu fuq il-livell tal-UE (bħall-Istrateġija Ewropea dwar iż-Żgħażagħ u d-Djalogu Ewropew maż-Żgħażagħ kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Involvi ruħek — Ingħaqad mal-oħrajn — Agħti s-setgħa lilek innifsek”) biex toħloq opportunitajiet għal skambju u kooperazzjoni tal-partijiet konċernati fil-qasam tal-kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni;

10.

tappoġġa strumenti Ewropej ta’ riċerka u evalwazzjoni tad-data għal ħidma fost iż-żgħażagħ ibbażata fuq l-evidenza fil-qasam tal-kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni.

(1)  ĠU C 115, 9.5.2008, p. 13. Ara l-Artikolu 165 (2), eks Artikolu 149 TKE.

(2)  ĠU C 115, 9.5.2008, p. 13. Ara l-Artikolu 79 (4), eks Artikolu 63, punti 3 u 4, TKE.

(3)  ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

(4)  ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

(5)  ĠU C 417, 15.12.2015, p. 1.

(6)  Strateġija EWROPA 2020, 3.3.2010,

http://ec.europa.eu/eu2020/pdf/COMPLET%20EN%20BARROSO%20%20%20007%20-%20Europe%202020%20-%20EN%20version.pdf

(7)  ĠU C 202, 7.6.2016, p. 389.

(8)  Dikjarazzjoni ta’ Pariġi, 17 ta’ Marzu 2015, http://ec.europa.eu/education/news/20150316-paris-education_en

(9)  https://rm.coe.int/1680702b6e

(10)  COM(2016) 377 final, 7.6.2016.

(11)  COM(2017) 211 final, 12.4.2017.

(12)  7775/17, 3.4.2017.

(13)  “Persuna li taħdem maż-żgħażagħ” kif definita fir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi ‘Erasmus+’: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50)

(14)  Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (Novembru 2009) ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1).

(15)  Kunsill tal-Ewropa, standards tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, https://www.coe.int/en/web/youth/youth-work1

(16)  “Żgħażagħ refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi” f’dawn il-Konklużjonijiet tal-Kunsill, u fil-kuntest tal-kwistjonijiet marbutin mal-migrazzjoni u r-refuġjati, huma nisa u rġiel żgħażagħ sal-età ta’ 30 sena, li jirrisjedu legalment fi Stat Membru tal-UE.

(17)  ĠU C 327, 4.12.2010, p. 1.

(18)  www.ed.ac.uk/education/rke/making-a-difference/understanding-value-of-universal-youth-work

(19)  www.ed.ac.uk/education/rke/making-a-difference/understanding-value-of-universal-youth-work

(20)  Skont in-National Occupational Standards for Youth Work Scotland, Lifelong Learning UK www.youthworkessentials.org/up-running/what-is-youth-work.aspx

(21)  Skont in-National Occupational Standards for Youth Work Scotland, Lifelong Learning UK www.youthworkessentials.org/up-running/what-is-youth-work.aspx


Il-Kummissjoni Ewropea

7.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 441/11


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Is-6 ta’ Diċembru 2018

(2018/C 441/04)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1351

JPY

Yen Ġappuniż

128,04

DKK

Krona Daniża

7,4635

GBP

Lira Sterlina

0,88930

SEK

Krona Żvediża

10,2355

CHF

Frank Żvizzeru

1,1304

ISK

Krona Iżlandiża

138,40

NOK

Krona Norveġiża

9,7028

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,890

HUF

Forint Ungeriż

323,75

PLN

Zloty Pollakk

4,2881

RON

Leu Rumen

4,6548

TRY

Lira Turka

6,0947

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5745

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5229

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,8669

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6517

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5560

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 273,03

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

15,9797

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,8239

HRK

Kuna Kroata

7,3965

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 481,65

MYR

Ringgit Malażjan

4,7271

PHP

Peso Filippin

60,012

RUB

Rouble Russu

75,9421

THB

Baht Tajlandiż

37,282

BRL

Real Brażiljan

4,4370

MXN

Peso Messikan

23,3643

INR

Rupi Indjan

80,4950


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


7.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 441/12


Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2018 dwar abbozz ta’ deċiżjoni relatat mal-Każ M.8451 — Tronox/Cristal

Relatur: Is-Slovenja

(2018/C 441/05)

Tħaddim

1.

Il-Kumitat Konsultattiv (seba’ Stati Membri) jaqbel mal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

Il-Prodott u s-Suq Ġeografiku

2.

Il-Kumitat Konsultattiv (seba’ Stati Membri) jaqbel mad-definizzjonijiet tal-Kummissjoni tas-swieq tal-prodott u ġeografiċi rilevanti kif imniżżel fl-abbozz ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’:

2.1.

pigment tad-diossidu tat-titanju bbażat fuq il-klorur għall-użu fil-laminat tal-karta,

2.2.

pigment tad-diossidu tat-titanju għall-użu f’applikazzjonijiet tal-massa,

2.3.

materja prima tat-titanju, u

2.4.

żirkun.

Valutazzjoni Kompetittiva

3.

Il-Kumitat Konsultattiv (seba’ Stati Membri) jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata, kif oriġinarjament proposta mill-Parti Notifikanti, x’aktarx twassal għal effetti orizzontali mhux koordinati li jwasslu għal tfixkil sinifikanti tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq taż-ŻEE kollha għall-pigment tad-diossidu tat-titanju bbażat fuq il-klorur għall-użu fil-laminat tal-karta.

4.

Il-Kumitat Konsultattiv (seba’ Stati Membri) jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata ma tidhirx li se toħloq effetti orizzontali li jwasslu għal tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-swieq affettwati li ġejjin:

4.1.

is-suq madwar iż-ŻEE jew swieq għall-pigment tad-diossidu tat-titanju għall-użu f’applikazzjonijiet tal-massa (kisi u plastik),

4.2.

is-suq globali għall-materja prima, tat-titanju tal-klorur,

4.3.

is-suq globali għall-materja prima, tal-klorur ilmenit,

4.4.

is-suq globali għall-materja prima, tar-rutil naturali,

4.5.

is-suq globali għal-lewkoksin, u

4.6.

is-suq globali jew taż-ŻEE kollhagħaż-żirkun.

5.

Il-Kumitat Konsultattiv (seba’ Stati Membri) jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li mhuwiex probabbli li t-tranżazzjoni notifikata se toħloq effetti mhux orizzontali li jwasslu għal tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-swieq affettwati mil-links affettwati vertikalment li ġejjin:

5.1.

is-suq madwar iż-ŻEE għall-pigment tad-diossidu tat-titanju għall-użu fil-karta laminata u s-suq globali jew taż-ŻEE kollha għall-materja prima tat-titanju tal-klorur,

5.2.

is-suq globali għal lewkoksin u kwalunkwe mis-swieq plawżibbli li jkopru ż-ŻEE kollha għall-pigment tad-diossidu tat-titanju, u

5.3.

is-suq globali għall-klorur ilmenit u kwalunkwe mis-swieq plawżibbli li jkopru ż-ŻEE kollha għall-pigment tad-diossidu tat-titanju.

Impenji

6.

Il-Kumitat Konsultattiv (seba’ Stati Membri) jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-impenji finali offruti mill-Parti Notifikanti fl-1 ta’ Ġunju 2018 ineħħu t-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni fir-rigward tas-suq taż-ŻEE kollha għall-pigment tad-diossidu tat-titanju bbażat fuq il-klorur għall-użu fil-laminat tal-karta.

Kompatibilità mas-Suq Intern

7.

Il-Kumitat Konsultattiv (seba’ Stati Membri) jaqbel mal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata għalhekk trid tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE f’konformità mal-Artikoli 2(2) u 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE.

7.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 441/13


Ir-Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

(M.8451 — Tronox/Cristal)

(2018/C 441/06)

Introduzzjoni

1.

Fil-15 ta’ Novembru 2017, wara riferiment skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”), il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li permezz tagħha Tronox Limited (“Tronox” jew “il-Parti Notifikanti”) takkwista, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll tan-negozju tad-dijossidu tat-titanju ta’ The National Titanium Dioxide Company Ltd (“Cristal”) permezz tax-xiri ta’ ishma (it-“Tranżazzjoni Proposta”). Għall-finijiet ta’ dan ir-Rapport Finali Tronox u Cristal huma flimkien imsejħa “l-Partijiet”.

Proċedura

2.

L-ewwel fażi tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tat-Tranżazzjoni Proposta mas-suq intern u mal-funzjonament tas-suq taż-ŻEE. Fl-20 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni biex tibda proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, li għaliha ArcelorMittal wieġbet fit-8 ta’ Jannar 2018.

3.

Fid-19 ta’ Jannar 2018, fuq talba ta’ Tronox, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li testendi l-iskadenza biex tittieħed deċiżjoni finali f’dan il-każ b’għaxart ijiem ta’ xogħol.

4.

Fit-22 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 li jissospendi l-limitu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet mill-20 ta’ Frar 2018. Is-sospensjoni tal-limitu ta’ żmien skadiet fis-27 ta’ Frar 2018, wara l-preżentazzjoni mill-Parti Notifikanti tal-informazzjoni meħtieġa.

5.

Fl-14 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni sejħet laqgħa dwar is-sitwazzjoni attwali biex tinforma lill-Parti Notifikanti dwar ir-riżultati preliminari tal-investigazzjoni tas-suq tal-Fażi II.

6.

Fis-16 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) li ġiet notifikata lill-Parti Notifikanti fl-istess jum. Skont id-DO, it-Tranżazzjoni Proposta timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE: (i) fis-suq taż-ŻEE tal-pigment tad-diossidu tat-titanju bbażat fuq il-klorur, għall-użu fil-laminat tal-karti bħala riżultat ta’ effetti mhux koordinati, u (ii) fis-swieq taż-ŻEE tal-pigment tad-diossidu tat-titanju rutil għall-użu fil-kisi u fil-plastik (u s-subsegmentazzjonijiet possibbli tagħhom) u fis-suq taż-ŻEE għall-pigment tad-diossidu tat-titanju bbażat fuq il-klorur, għall-użu fil-laminat tal-karti bħala riżultat ta’ effetti koordinati. Il-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni kienet, għalhekk, li l-konċentrazzjoni notifikata ma kinitx kompatibbli mas-suq intern u mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE.

7.

Il-Parti Notifikanti ngħatat aċċess għall-fajl fid-19 ta’ Marzu 2018 u wara, fuq bażi kontinwa.

8.

Sussegwentement, b’diversi emails lid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (“DĠ Kompetizzjoni”), il-Parti Notifikanti qajmet mistoqsijiet dwar aċċess ulterjuri għal ċerti dokumenti fil-fajl tal-Kummissjoni. Wara l-ilmenti tal-Parti Notifikanti dwar aċċess insuffiċjenti, id-DĠ Kompetizzjoni ta aċċess ulterjuri għal uħud mid-dokumenti inkwistjoni.

9.

Fis-16 ta’ April 2018 irċevejt ittra elettronika mingħand il-Partijiet li ġabet għall-attenzjoni tiegħi kwistjonijiet tad-dritt tad-difiża, u li b’mod partikolari talbitni, skont l-Artikolu 7 tat-Termini ta’ Referenza, sabiex nipprovdi aċċess ulterjuri għal ċerta informazzjoni speċifika. Bi tweġiba għal dan, l-ewwel nett, jien tlabt lid-DĠ Kompetizzjoni biex (jerġa’) jeżamina t-talba tal-Partijiet. Fit-18 ta’ April 2018 id-DĠ Kompetizzjoni pprovda aċċess ulterjuri għal xi informazzjoni mitluba u fil-25 ta’ April 2018, il-Partijiet infurmawni li huma ma għadhomx aktar jinsistu dwar l-aċċess għall-bqija tat-talba tagħhom.

10.

Jiena aċċettajt żewġ impriżi, it-tnejn li huma klijenti ta’ Tronx u ta’ Cristal, bħala terzi persuni interessati f’dawn il-proċedimenti. It-terzi persuni interessati kollha ġew ipprovduti b’verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO u ngħataw terminu ta’ skadenza sabiex jissottomettu t-tweġibiet tagħhom.

11.

Is-seduta ta’ smigħ orali formali saret fl-10 ta’ April 2018 u attendew għaliha l-Partijiet, kif ukoll il-konsulenti legali u ekonomiċi esterni tagħhom, is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ tliet Stati Membri (il-Belġju, il-Ġermanja u r-Renju Unit) u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA. L-ebda waħda miż-żewġ terzi persuni interessati ammessi f’dawn il-proċedimenti ma pparteċipat fis-smigħ orali formali.

12.

Fl-24 ta’ April 2018, fuq talba tal-Parti Notifikanti, il-Kummissjoni estendiet l-iskadenza għad-deċiżjoni finali tagħha b’għaxart ijiem ta’ xogħol sabiex tiffaċilita d-diskussjonijiet dwar ir-rimedji.

Abbozz tad-Deċiżjoni

13.

Fis-16 ta’ Mejju 2018, il-Parti Notifikanti ppreżentat sett finali ta’ impenji formali. Konsegwentement, il-perjodu ta’ reviżjoni ġie estiż ulterjorment skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Fuq il-bażi tal-informazzjoni miksuba minn ittestjar tas-suq ta’ dawn l-impenji, il-Parti Notifikanti ppreżentat sett finali ta’ impenji fl-1 ta’ Ġunju 2018 (“l-Impenji Finali”).

14.

Fl-abbozz ta’ Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-Tranżazzjoni Proposta timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq taż-ŻEE għall-pigment tad-diossidu tat-titanju bbażat fuq il-klorur, għall-użu fil-laminat tal-karti fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE bħala riżultat ta’ effetti mhux koordinati. L-abbozz ta’ Deċiżjoni sab li l-Impenji Finali huma biżżejjed u xierqa biex jeliminaw l-impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva li it-Tranżazzjoni Proposta ġġib magħha. L-Impenji Finali għalhekk irendu t-Tranżazzjoni Proposta kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE.

15.

Jien eżaminajt l-abbozz tad-Deċiżjoni skont l-Artikolu 16(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE u kkonkludejt li hija tittratta biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

Konklużjoni

16.

Jien nikkonkludi li l-partijiet kienu kapaċi jeżerċitaw effettivament id-drittijiet proċedurali tagħhom f’dawn il-proċedimenti.

Brussell, it-22 ta’ Ġunju 2018.

Joos STRAGIER


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29, (it-“Termini ta’ Referenza”).


7.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 441/15


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-4 ta’ Lulju 2018

li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE

(Il-Każ M.8451 — Tronox/Cristal)

(notifikat bid-dokument C(2018) 4120)

(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 441/07)

Fl-4 ta’ Lulju 2018 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (1), u partikolarment l-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa tista’ tinstab fil-lingwa awtentika tal-każ fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/competition/index_en.html

I.   IL-PARTIJIET

(1)

Fil-15 ta’ Novembru 2017, wara riferiment skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (“ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”), il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni intenzjonata skont l-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament bħala riżultat ta’ ftehim li bih Tronox Limited (“Tronox”, l-Awstralja) takkwista l-kontroll esklussiv, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, tan-negozju kollu tad-diossidu tat-titanju ta’ The National Titanium Dioxide Company Ltd. (“Cristal”, l-Arabja Sawdija) permezz tax-xiri ta’ ishma (“it-Tranżazzjoni”) (2). Tronox issir referenza għaliha wkoll f’dan is-Sommarju bħala “l-Parti Notifikanti” u Tronox u Cristal flimkien issir referenza għalihom bħala “il-Partijiet”. L-impriża li tirriżulta mit-Tranżazzjoni ssir referenza għaliha bħala “l-entità fuża”.

(2)

Tronox hija attiva fl-estrazzjoni ta’ minerali inorganiċi, inkluż il-materja prima tat-titanju u ż-żirkonju, u fil-produzzjoni tal-pigment tad-diossidu tat-titanju. Għandha żewġ diviżjonijiet prinċipali tan-negozju: (i) pigment tad-diossidu tat-titanju, u (ii) sustanzi kimiċi elettrolitiċi u ta’ speċjalità, li minnhom tal-ewwel biss hija ta’ rilevanza għat-Tranżazzjoni. Sal-1 ta’ Settembru 2017, Tronox kienet attiva wkoll fil-kimiki alkali iżda issa biegħet dan in-negozju lil Genesis Energy LP. Tronox hija elenkata pubblikament fil-Borża ta’ New York. L-akbar azzjonist tagħha, Exxaro, ma għandux kontroll fuq il-kumpanija.

(3)

Cristal hija attiva wkoll fl-estrazzjoni ta’ materja prima tat-titanju u taż-żirkonju u fil-produzzjoni tal-pigment tad-diossidu tat-titanju. Cristal hija kumpanija privata, li fiha Tasnee (kumpanija ta’ ishma konġunti tal-Arabja Sawdija), Gulf Investment Corporation (kumpanija li hija proprjetà tas-sitt Stati tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf) u ishma privati miżmuma individwalment.

(4)

Tronox u Cristal huma tnejn mill-ħames produtturi globali ewlenin tal-pigment tad-diossidu tat-titanju. Huma t-tnejn għandhom ukoll minjieri ta’ ramel minerali, li minnhom jiksbu l-materja prima tat-titanju għall-użu fil-produzzjoni tal-pigment tad-diossidu tat-titanju. Għalhekk, huma integrati vertikalment u jbigħu wkoll materja prima tat-titanju kemm lil produtturi oħra tal-pigment tad-diossidu tat-titanju kif ukoll lil industriji oħra li fihom tintuża materja prima tat-titanju.

II.   L-OPERAZZJONI

(5)

It-Tranżazzjoni tiġi implimentata bħala trasferiment tal-ishma, wara riorganizzazzjoni interna fi Cristal. Bħala riżultat tat-Tranżazzjoni, Tronox takkwista l-kontroll uniku tan-negozju tad-diossidu tat-titanju ta’ Cristal. It-Tranżazzjoni għalhekk tagħti lok għal konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(6)

It-Tranżazzjoni ma għandhiex dimensjoni tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-Parti Notifikanti talbet riferiment lill-Kummissjoni fuq il-bażi li l-każ ikun jista’ jiġi rivedut skont il-liġijiet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni ta’ mill-inqas tliet Stati Membri. Il-Parti Notifikanti ppreżentat sottomissjoni motivata fid-29 ta’ Marzu 2017 li ġiet trażmessa lill-Istati Membri kollha mill-Kummissjoni fl-istess jum. L-ebda Stat Membru ma esprima nuqqas ta’ qbil ma’ din it-talba fi żmien 15-il jum ta’ xogħol u għalhekk il-konċentrazzjoni hija meqjusa li għandha dimensjoni tal-Unjoni u li hija notifikabbli skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

III.   IL-PROĊEDURA

(7)

Fl-20 ta’ Diċembru 2017, fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq tal-Fażi I (3), il-Kummissjoni sabet li t-Tranżazzjoni qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) fir-rigward ta’ diversi swieq għall-pigment tad-diossidu tat-titanju u adottat deċiżjoni li tagħti bidu għal proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (4).

(8)

Fl-investigazzjoni fil-fond tagħha tas-suq (Fażi II), il-Kummissjoni bagħtet it-tieni serje ta’ kwestjonarji aktar immirati lill-kompetituri tal-Partijiet fil-produzzjoni tal-pigment tad-diossidu tat-titanju u lill-klijenti li jixtru l-pigment tad-diossidu tat-titanju attivi fil-manifattura ta’ kisjiet, plastik u laminat tal-karti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni organizzat telekonferenza mal-akbar kompetituri tal-Partijiet u ma’ numru ta’ klijenti kbar f’kull wieħed mit-tliet oqsma wiesgħa ta’ użu aħħari.

(9)

Fis-16 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni indirizzat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) lill-Parti Notifikanti, li fiha ppreżentat it-tħassib tagħha.

IV.   SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI

(10)

L-attivitajiet tal-Partijiet jikkoinċidu fil-produzzjoni tal-pigment tad-diossidu tat-titanju, fl-estrazzjoni tal-materja prima tad-diossidu tat-titanju u fil-produzzjoni taż-żirkonju. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni għat-tliet oqsma hija miġbura fil-qosor f’dan li ġej.

1.   Pigment tad-Diossidu tat-Titanju

1.1.   Definizzjonijiet tas-suq

(11)

Id-diossidu tat-titanju huwa kimika inorganika użata biex jiġu mtappna, ċċarati u mbajda diversi prodotti industrijali u tal-konsumatur. Jintuża f’firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet finali. Id-diossidu tat-titanju jista’ jkollu wieħed minn żewġ forom kristallini differenti: rutil u anatażju. Id-dijossidu tat-titanju anatażju jista’ jiġi prodott biss permezz tal-proċess ibbażat fuq il-kubrit, filwaqt li d-dijossidu tat-titanju rutil jista’ jiġi prodott jew permezz tal-proċess ibbażat fuq is-sulfat jew dak ibbażat fuq il-klorur. It-trikkib bejn l-attivitajiet tal-Partijiet huwa relatat esklussivament mal-pigment tat-titanju rutil billi Tronox timmanifattura l-pigment tad-diossidu tat-titanju bl-użu biss tal-proċess tal-klorur, li jfisser li ma tistax tipproduċi pigment tad-diossidu tat-titanju anatażju.

(12)

Il-Kummissjoni tqis b’mod ġenerali li jista’ jkun xieraq li jiġi segmentat is-suq għall-produzzjoni tal-pigment tad-diossidu tat-titanju skont: (i) il-forma kristallina, (ii) il-proċess ta’ produzzjoni, u/jew (iii) l-applikazzjoni aħħarija li fiha jintuża l-pigment tad-diossidu tat-titanju.

(13)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li jeżisti suq separat għall-pigment tad-diossidu tat-titanju abbażi tal-klorur għall-użu fil-laminat tal-karti minħabba li l-gradi tal-pigment tad-diossidu tat-titanju użati fil-laminat tal-karti huma distinti minn dawk użati f’applikazzjonijiet oħra (kemm applikazzjonijiet tal-massa kif ukoll applikazzjonijiet oħra ta’ speċjalità). Barra minn hekk, gradi abbażi ta’ sulfat iddisinjati għall-użu fil-laminat tal-karti mhumiex sostitut sodisfaċenti għall-gradi bbażati fuq il-klorur, u ma hemm l-ebda sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista bejn il-gradi bbażati fuq il-klorur u l-gradi bbażati fuq is-sulfat.

(14)

Il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li jeżisti suq separat għall-pigment tad-diossidu tat-titanju għall-użu fl-applikazzjonijiet tal-massa, li jinkludi pigment għal użi finali fil-kisi u fil-plastik. Wara li qieset l-evidenza kollha disponibbli, il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li l-gradi bbażati fuq il-klorur u dawk ibbażati fuq is-sulfat tal-pigment tad-diossidu tat-titanju f’forma ta’ rutil għall-użu fl-applikazzjonijiet tal-massa jagħmlu parti mill-istess suq tal-prodotti. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk swieq aktar ristretti separati jistgħux jiġu definiti permezz tal-applikazzjoni finali (f’applikazzjonijiet tal-massa) tista’ titħalla miftuħa peress li l-eżitu tal-valutazzjoni kompetittiva huwa l-istess wieħed fiż-żewġ każijiet.

(15)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li s-swieq rilevanti kollha għall-pigment tad-diossidu tat-titanju kif ukoll is-sottosegmenti potenzjali tiegħu għandhom ambitu mifrux maż-ŻEE kollha.

1.2.   Valutazzjoni Kompetittiva

(16)

Il-Kummissjoni tqis, abbażi tar-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq tagħha u l-informazzjoni l-oħra disponibbli għaliha, li l-konċentrazzjoni notifikata se timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fiż-ŻEE fis-suq tal-pigment tad-diossidu tat-titanju bbażat fuq il-klorur għall-użu fil-laminat tal-karti bħala riżultat tat-tnaqqis fl-għadd ta’ kompetituri attivi f’dak is-suq minn erbgħa għal tlieta. It-Tranżazzjoni telimina restrizzjoni kompetittiva importanti u ġġib flimkien żewġ kompetituri mill-qrib f’suq diġà kkonċentrat ħafna li huwa kkaratterizzat mill-ħtieġa tal-konsumaturi għal diversi sorsi u mill-fatt li s-setgħa tal-fornituri li jżidu l-prezzijiet hija protetta bid-diffikultà li l-konsumaturi jiffaċċjaw biex jibdlu l-fornituri u minħabba l-ostakli kbar għad-dħul u l-espansjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll in-nuqqas ta’ poter ta’ kontrobilanċ min-naħa tax-xerrej, in-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva mis-swieq ġirien tal-pigmenti bbażati fuq il-kubrit, u l-effetti negattivi probabbli tal-konċentrazzjoni fir-rigward tar-razzjonalizzazzjoni potenzjali tal-portafoll.

(17)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni notifikata ma tfixkilx b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fi kwalunkwe suq jew suq sekondarju għall-pigment tad-diossidu tat-titanju għall-użu fl-applikazzjonijiet tal-massa. L-entità fuża mhijiex se ssir l-akbar attur f’dawn is-swieq u r-risponsi tal-klijenti għall-investigazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni jikkonfermaw li hemm għadd ta’ fornituri b’saħħithom li joffru alternattivi għall-prodotti tal-Partijiet.

(18)

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll jekk it-Tranżazzjoni x’aktarx li tirriżulta f’effetti koordinati fuq wieħed jew aktar mis-swieq plawsibbli taż-ŻEE għall-pigment tad-diossidu tat-titanju minħabba li s-swieq affettwati mit-Tranżazzjoni jippreżentaw ċerti karatteristiċi li jistgħu jagħmluha probabbli li titfaċċa l-koordinazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma sabitx biżżejjed evidenza biex tikkonkludi li t-Tranżazzjoni x’aktarx li twassal għal koordinazzjoni fost il-bqija tal-fornituri ewlenin tal-pigment tad-diossidu tat-titanju. B’mod partikolari, ma jistax jiġi stabbilit li jeżisti punt fokali ċar li l-fornituri jistgħu jużaw biex jikkoordinaw l-imġiba tagħhom.

1.3.   Effiċjenzi

(19)

Il-Parti Notifikanti ssostni li l-konċentrazzjoni tirriżulta f’effiċjenzi sinifikanti li jissuperaw kull effett negattiv potenzjali.

(20)

Il-Kummissjoni vvalutat bir-reqqa l-argumenti kollha ppreżentati mill-Parti Notifikanti u ma setgħetx tasal għal konklużjoni li l-konċentrazzjoni notifikata toħloq effiċjenzi ta’ benefiċċju sinifikanti għall-klijenti taż-ŻEE fis-suq tal-pigment tad-diossidu tat-titanju bbażat fuq il-kloru, għall-użu fil-laminat tal-karti. Barra minn hekk, l-effiċjenzi mitluba mill-Parti Notifikanti b’rabta mal-espansjoni effettiva tal-kapaċità, żieda fil-produzzjoni ta’ materja prima tat-titanju u tnaqqis fl-ispejjeż varjabbli wkoll mhumiex verifikabbli biżżejjed u/jew speċifiċi għall-fużjoni.

2.   Materja Prima tat-Titanju

2.1.   Definizzjoni tas-suq

(21)

Il-materja prima tat-titanju tikkonsisti f’minerali b’livell għoli ta’ titanju li jiġu estratti minn ramel minerali. It-tliet tipi ewlenin ta’ materja prima tat-titanju li jseħħu b’mod naturali huma l-ilmenit, il-lewkoksin u r-rutil. Is-suq rilevanti jista’ jkun suq wieħed tal-prodotti għal kull materja prima tat-titanju jew separat skont l-idoneità tagħhom għall-proċessi differenti ta’ produzzjoni tal-pigment tad-diossidu tat-titanju (b’distinzjoni bejn klorur u materja prima tat-titanju tas-sulfat) jew skont it-tip ta’ materja prima tat-titanju individwali. Għall-finijiet ta’ dan il-każ, id-definizzjoni eżatta tas-suq tal-prodott għall-materja prima tat-titanju tista’ madankollu titħalla miftuħa peress li l-konċentrazzjoni notifikata ma toħloq tħassib dwar il-kompetizzjoni fis-swieq għall-materja prima tat-titanju taħt l-ebda waħda minn dawn il-delineazzjonijiet plawżibbli.

(22)

Għall-finijiet ta’ dan il-każ, id-definizzjoni eżatta tas-suq ġeografiku għal materja prima tat-titanju tista’ titħalla miftuħa wkoll minħabba li t-Tranżazzjoni ma toħloqx tħassib dwar il-kompetizzjoni, irrispettivament minn jekk is-swieq rilevanti tal-materja prima tat-titanju kellhomx ikunu limitati għaż-ŻEE jew usa’ minn hekk.

2.2.   Valutazzjoni Kompetittiva

(23)

Kemm Tronox kif ukoll Cristal huma attivi fl-estrazzjoni ta’ materja prima tat-titanju, li fil-biċċa l-kbira jużawha internament għall-produzzjoni tal-pigment tad-diossidu tat-titanju iżda li jbigħu wkoll fis-suq kummerċjali.

(24)

L-attivitajiet tal-Partijiet fil-materja prima tat-titanju ma jirriżultawx fi swieq affettwati fiż-ŻEE skont xi definizzjoni plawżibbli tas-suq tal-prodotti. Dwar is-suppożizzjoni alternattiva ta’ suq ġeografiku globali, il-Kummissjoni identifikat bħala swieq affettwati (5) s-suq globali potenzjali għall-materja prima tat-titanju tal-klorur u tliet swieq sekondarji potenzjali tagħha, jiġifieri (i) is-suq globali għall-klorur ilmenit, (ii) is-suq globali għar-rutil naturali u (iii) is-suq globali għall-lewkoksin.

(25)

Għalkemm l-entità amalgamata tkun l-akbar produttur tal-materja prima tat-titanju tal-klorur, xorta jkun hemm għadd ta’ atturi b’saħħithom oħra fis-suq tal-produzzjoni. Barra minn hekk, l-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li l-Partijiet mhumiex kompetituri partikolarment mill-qrib. Filwaqt li t-Tranżazzjoni inevitabbilment twassal għat-tneħħija ta’ fornitur wieħed tal-materja prima tat-titanju tal-klorur, la Cristal u lanqas Tronox ma jidhru li huma meqjusa bħala fornitur kritiku.

(26)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li huwa improbabbli li t-Tranżazzjoni timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq għall-materja prima tat-titanju bħala riżultat ta’ effetti orizzontali, irrispettivament mid-definizzjoni preċiża tas-suq.

(27)

Il-konċentrazzjoni twassal ukoll għal diversi rabtiet vertikali billi ż-żewġ Partijiet huma attivi fis-suq downstream għall-pigment tad-diossidu tat-titanju u fis-suq upstream għall-materja prima tat-titanju. L-ishma tas-suq kombinati tal-Partijiet huma ogħla minn [30-40] % fis-suq downstream taż-ŻEE għall-pigment tad-diossidu tat-titanju bbażat fuq il-klorur għall-użu fil-laminat tal-karti u fis-swieq globali upstream għall-klorur ilmenit u l-lewkoksin. Madankollu, il-Kummissjoni tikkonkludi li dawn ir-rabtiet mhumiex se jwasslu għal tfixkil sinifikanti tal-kompetizzjoni effettiva minħabba l-effetti vertikali.

3.   Żirkun

3.1.   Definizzjoni tas-suq

(28)

Iż-żirkun huwa mineral taż-żirkonju opak u inert li spiss jinstab f’depożiti ta’ ramel minerali li fihom l-ilmenit u r-rutil u għalhekk huwa ġeneralment estratt mill-minjieri bħala koprodott ta’ din il-materja prima tat-titanju. Filwaqt li ġeneralment il-parteċipanti fis-suq jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ distinzjoni bejn żirkun ta’ grad prim u dak ta’ grad standard, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-definizzjoni preċiża tas-suq tista’ titħalla miftuħa għal dan il-każ, minħabba li t-Tranżazzjoni ma toħloqx tħassib dwar il-kompetizzjoni f’dawn is-swieq taħt kwalunkwe definizzjoni plawżibbli tas-suq tal-prodotti.

(29)

Għall-finijiet ta’ dan il-każ, id-definizzjoni eżatta tas-suq ġeografiku għaż-żirkun tista’ wkoll titħalla miftuħa bejn suq globali jew suq mifrux madwar iż-ŻEE, peress li t-Tranżazzjoni ma toħloq tħassib dwar il-kompetizzjoni taħt l-ebda waħda mid-definizzjonijiet plawżibbli ta’ suq ġeografiku.

3.2.   Valutazzjoni Kompetittiva

(30)

L-entità fuża jkollha daqs bejn wieħed u ieħor komparabbli fis-suq tal-żirkun mal-mexxej tas-suq attwali, Iluka. Barra minn hekk, Rio Tinto tibqa’ fornitur kbir ieħor flimkien ma’ diversi atturi iżgħar.

(31)

Ir-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq urew li l-Partijiet mhumiex meqjusa bħala kompetituri partikolarment mill-qrib f’dan is-suq, li hemm mill-inqas xi restrizzjoni kompetittiva mis-swieq ġirien, u l-aktar importanti, li l-fornituri indipendenti li jifdal taż-żirkun se jkomplu jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq l-entità fuża. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-ostakli għad-dħul fis-suq għaż-żirkun mhumiex partikolarment għoljin. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-Tranżazzjoni ma twassalx għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq għaż-żirkun, irrispettivament mid-definizzjoni eżatta tal-prodott jew tas-suq ġeografiku applikata.

V.   RIMEDJI

(32)

Sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat fis-suq taż-ŻEE, għall-pigment tad-diossidu tat-titanju bbażat fuq il-klorur, għall-użu fil-laminat tal-karti, il-Parti Notifikanti pproponiet li ċċedi l-grad ta’ laminat tal-karti ta’ Tronox (“l-Impenji”).

(33)

L-impenji jikkonsistu fiċ-ċessjoni globali tat-teknoloġija tal-produzzjoni u l-kuntratti tal-klijenti għall-grad tal-pigment tad-diossidu tat-titanju ta’ Tronox għal applikazzjonijiet tal-laminat tal-karti. It-trasferiment tal-produzzjoni jseħħ fuq perjodu ta’ tranżizzjoni li matulu Tronox timmanifattura dan il-grad f’isem ix-xerrej taħt ftehim ta’ forniment tranżitorju. L-impenji jinkludu wkoll “provvediment ta’ xerrej bil-quddiem”, li jfisser li t-Tranżazzjoni ma tistax tingħalaq qabel ma l-Kummissjoni tkun approvat xerrej xieraq.

(34)

Il-Kummissjoni tqis, wara test tas-suq, li l-kamp ta’ applikazzjoni tan-negozju ta’ ċessjoni u t-termini tal-ftehim ta’ forniment tranżitorju huma adegwati biex jiżguraw li n-negozju ta’ ċessjoni jkun jista’ jibqa’ forza kompetittiva effettiva, sakemm jiġi akkwistat minn xerrej xieraq.

(35)

L-Impenji jistipulaw li l-akkwirent għandu jkollu kompetenza ppruvata fil-produzzjoni tad-diossidu tat-titanju bbażat fuq il-klorur, il-kapaċità disponibbli biex jipproduċi l-grad fuq l-istess skala tal-Tronox, u l-inċentiv biex jiżviluppa n-negozju fiż-ŻEE. Il-Kummissjoni għad trid tapprova xerrej xieraq għan-negozju ta’ ċessjoni abbażi ta’ proposta mill-Parti Notifikanti f’deċiżjoni separata.

VI.   KONKLUŻJONI

(36)

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta kif modifikata mill-Impenji u soġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi, inkluża l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni ta’ xerrej xieraq għan-negozju ta’ ċessjoni, mhux se timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-Suq Intern jew f’parti sostanzjali minnu.

(37)

Konsegwentement, il-konċentrazzjoni hija ddikjarata kompatibbli mas-Suq Intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE soġġett għal kundizzjonijiet u obbligi, skont l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE.

(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  ĠU C 438, 19.12.2017.

(3)  Skont il-paragrafu 5.1 tal-Aħjar Prattiki fuq it-twettiq tal-proċeduri ta’ kontroll tal-fużjonijiet tal-UE, il-Parti Notifikanti kienet infurmata bir-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq tal-fażi I f’laqgħa dwar is-sitwazzjoni attwali li saret fis-6 ta’ Diċembru 2017.

(4)  Skont il-paragrafi 45 u 46 tal-Aħjar Prattiki fuq it-twettiq tal-proċeduri ta’ kontroll tal-fużjonijiet tal-UE, il-Kummissjoni pprovdiet għadd ta’ dokumenti ewlenin lill-Parti Notifikanti fil-21 ta’ Diċembru 2017.

(5)  Fuq il-bażi jew tal-bejgħ u/jew tal-volumi ta’ produzzjoni.


7.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 441/20


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Novembru 2018

dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni ta’ Prodott imsemmi fl-Artiklu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-isem “Vitellone Bianco dell’Appennino Centrale” (IĠP)

(2018/C 441/08)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2)(a) flimkien mal-Artikolu 53(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Italja bagħtet applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri, għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott “Vitellone Bianco dell’Appennino Centrale” (IĠP) skont l-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(2)

Skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Sabiex tiġi permessa l-preżentazzjoni ta’ avviżi ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri, għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (2), li tinkludi d-Dokument Uniku emendat u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott rilevanti għall-isem irreġistrat “Vitellone Bianco dell’Appennino Centrale” (IĠP), jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

L-applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri, għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014, li tinkludi d-Dokument Uniku emendat u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott rilevanti għall-isem irreġistrat “Vitellone Bianco dell’Appennino Centrale” (IĠP), tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tagħti d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-emenda msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


ANNESS

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“Vitellone bianco dell’Appennino centrale”

Nru tal-UE: PGI-IT-1552-AM02 — 26.9.2017

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Consorzio di tutela “Vitellone bianco dell’Appennino centrale”

Via delle Fascine, 4

06132 San Martino in Campo

Perugia (PG)

ITALIA

info@vitellonebianco.it

Il Consorzio di tutela “Vitellone bianco dell’Appennino centrale” għandu l-jedd li jressaq applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 13(1) tad-Decreto del Ministero delle politiche agricole alimentari e forestali Nru 12511 tal-14 ta’ Ottubru 2013.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   L-intestatura tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta maż-żona ġeografika

Tikkettar

Oħrajn: Dokument ta’ kontroll; Imballaġġ; Aġġornamenti regolatorji.

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma tistax titqies bħala emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma jkun ġie rreġistrat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti) u li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott

L-Artikolu 5.4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-Punt 3.2 tad-Dokument Uniku

1.

Il-parametri dwar kemm jinxtorob il-prodott matul it-tisjir (inqas minn 35 %) u dwar il-grad ta’ ebusija tal-prodott imsajjar (inqas minn 2,5 kg/cm2) tħassru.

Din l-emenda hija l-konsegwenza taż-żmien minimu meħtieġ għat-twettiq tal-analiżijiet li għandhom isiru b’mod obbligatorju fil-laboratorju. Il-“laħam taċ-ċanga” frisk huwa prodott li l-perjodu ta’ konservazzjoni tiegħu huwa limitat ħafna, b’mod partikolari għal ċerti partijiet anatomiċi.

Il-karkassi jridu jitilqu mill-biċċerija fi żmien massimu ta’ jumejn wara l-qatla, l-aktar minħabba li l-kmamar tat-tkessiħ tal-biċċeriji huma fiżikament iddisinjati għat-tkessiħ tal-karkassi u mhux għall-konservazzjoni jew għall-maturazzjoni tagħhom.

Bħalissa, ir-riżultati ta’ dawn l-analiżijiet qed jintbagħtu wara aktar minn sebat ijiem. Dan iwassal għal problemi serji ta’ natura kummerċjali u għal dak li għandu x’jaqsam maċ-ċertifikazzjoni, minħabba l-fatt li t-trasferiment tal-prodott lest għat-tqattigħ ikun irid isir l-aktar tard 48 siegħa wara l-qatla, u dan mhuwiex kompatibbli maż-żmien meħtieġ għat-twettiq tal-analiżijiet. Xenarju ieħor jista’ jkun li l-klassifikazzjoni tal-prodott ċertifikat titnaqqas u l-prodott isir prodott konvenzjonali, iżda dan jista’ jwassal għal telf ekonomiku sinifikanti.

Metodu ta’ produzzjoni

L-Artikolu 4.1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

2.

Is-sentenzi:

“Mit-twelid sal-ftim, l-użu tas-sistemi tat-trobbija li ġejjin huwa awtorizzat: ir-ragħa, il-kenn liberu, il-kenn ikkontrollat.

Fil-fażijiet ta’ wara l-ftim sal-qtil, l-annimali jridu jitrabbew f’kenn liberu jew ikkontrollat biss.”

huma emendati kif ġej:

“Mit-twelid sal-ftim, l-użu tas-sistemi tat-trobbija li ġejjin huwa awtorizzat: ir-ragħa, il-kenn liberu, il-kenn b’aċċess għall-bur.

Matul il-fażijiet ta’ wara l-ftim sal-qtil, l-annimali jridu jitrabbew f’kenn liberu, f’kenn fejn l-annimali ikunu maqfulin jew f’kenn b’aċċess għall-bur.”

Għall-fażijiet tat-trobbija mit-twelid sal-ftim, ir-referenza għall-“kenn fejn l-annimali jkunu maqfulin” titħassar, b’mod konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 2008/119/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-għoġġiela.

Għall-perjodu kollu tat-trobbija, jiġifieri mit-twelid sal-qatla, tiżdied referenza għall-kenn b’aċċess għall-bur sabiex jiġi speċifikat dak li kien ifisser “kenn liberu” s’issa.

Il-bovini mrobbija f’kenn b’aċċess għall-bur jistgħu jiċċaqalqu liberament f’żona delimitata permezz ta’ mezzi fiżiċi li jimpedixxu lill-annimali milli jaqsmu l-konfini.

L-Artikolu 4.1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott — Il-Punt 3.3 tad-Dokument Uniku

3.

Il-paragrafu:

“Wara, il-bażi tal-għalf huwa magħmul minn foraġġ frisk u/jew ippreżervat li jkun ġej minn mergħat naturali, artifiċjali jew minn uċuħ tar-raba’ tipiċi taż-żona ġeografika ddefinita; barra minn hekk, jistgħu jintużaw konċentrati tal-għalf sempliċi jew kumplessi, flimkien ma’ addittivi supplimentari ta’ minerali u vitamini.”

jinbidel b’dan li ġej:

“Wara, il-bażi tal-għalf huwa magħmul minn foraġġ frisk u/jew ippreżervat li jkun ġej minn mergħat naturali, artifiċjali jew minn uċuħ tar-raba’ tipiċi taż-żona ġeografika ddefinita; barra minn hekk, jistgħu jintużaw konċentrati tal-għalf sempliċi jew kumplessi, flimkien ma’ addittivi supplimentari.”

Ir-referenza għall-“addittivi supplimentari ta’ minerali u vitamini” hija sostiwita b’referenza għal “addittivi supplimentari”. Din l-emenda tippermetti li t-tip ta’ addittivi mogħtija lill-annimali jiġi estiż għal sustanzi nutrittivi oħra minbarra l-vitamini u l-minerali.

L-Artikolu 4.2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott — Il-Punt 3.3 tad-Dokument Uniku

4.

Il-paragrafu:

“Matul l-erba’ xhur qabel il-qatla, huwa projbit li jingħata għalf insilat lill-annimali.

Ma jistgħux jintużaw il-prodotti industrijali sekondarji li ġejjin bħala għalf:

Polpa friska residwa tal-pitravi;

Fergħat u weraq mitħunin tas-siġra taż-żebbuġ;

Weraq tas-siġra taż-żebbuġ friski jew imnixxfa;

Polpa tal-larinġ;

Polpa mnixxfa tal-frott taċ-ċitru;

Polpa mnixxfa tal-larinġ;

Residwi taż-żebbuġ;

Qxur taż-żebbuġ;

Qxur u żerriegħa tat-tadam;

Residwi mid-distilleriji;

Għeruq sekondarji tal-malt;

Fond u skart mill-birreriji;

Fond u skart frisk jew imnixxef;

Vinassa friska jew imnixxfa;

Granza naturali jew kummerċjali;

Dqiq mil-laħam;

Qrieqeċ;

Dqiq mill-ħut;

Demm;

Xaħam tal-annimali;

Residwu tat-tuffiegħ magħsur;

Frott frisk jew ippreżervat;

Skart tal-ħelu.”

huwa emendat kif ġej:

“Matul l-erba’ xhur qabel il-qatla, huwa projbit li jingħata foraġġ insilat lill-annimali.

Ma jistgħux jintużaw il-prodotti industrijali sekondarji li ġejjin bħala għalf:

Dqiq mil-laħam;

Qrieqeċ;

Dqiq mill-ħut;

Demm;

Xaħam tal-annimali;

Skart tal-ħelu.

Il-prodotti sekondarji tal-industriji li ġejjin huma awtorizzati biss fil-forma ta’ komponenti ta’ għalf ikkonċentrat:

Polpa friska residwa tal-pitravi;

Fergħat u weraq mitħunin tas-siġra taż-żebbuġ;

Weraq tas-siġra taż-żebbuġ friski jew imnixxfa;

Polpa tal-larinġ;

Polpa mnixxfa tal-frott taċ-ċitru;

Polpa diżidrata tal-larinġ;

Residwi taż-żebbuġ;

Qxur taż-żebbuġ;

Qxur u żerriegħa tat-tadam;

Residwi mid-distilleriji;

Għeruq sekondarji tal-malt;

Fond u skart mill-birreriji;

Fond u skart frisk jew diżidrat;

Vinassa friska jew diżidrata;

Granza naturali jew kummerċjali;

Residwu tat-tuffieħ magħsur;

Frott frisk jew ippreżervat;”

Din l-emenda tippermetti li tiġi awtorizzata l-preżenza fl-għalf ta’ ċerti alimenti (prodotti sekondarji tal-industrija) li bħalissa huma projbiti. Oriġinarjament, il-projbizzjoni imposta mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ ċerti prodotti sekondarji fil-qasam tal-alimentazzjoni tal-annimali kellha l-għan li tevita li dawn il-prodotti sekondarji jintużaw kif inhuma fl-għalf, minħabba li kienu jikkostitwixxu riskju għall-bilanċ fid-dieta.

Min-naħa l-oħra, l-emenda proposta tispeċifika li l-prodotti sekondarji tal-industrija huma awtorizzati biss jekk jidħlu fil-kompożizzjoni tal-għalf. Dawn il-prodotti sekondarji mnixxfin li jintużaw fl-għalf jidħlu fil-kompożizzjoni ta’ dieta diġà bbilanċjata, li l-karatteristiċi nutrittivi tagħha huma definiti u indikati b’mod ċar fuq it-tikketta tal-pakkett tal-għalf.

L-Artikolu 4.3 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott — Il-Punt 3.4 tad-Dokument Uniku

5.

Is-sentenza:

“Il-qatla għandha ssir f’biċċeriji adattati li jinsabu ġewwa ż-żona ta’ produzzjoni;”

hija emendata kif ġej:

“Il-qatla għandha ssir f’biċċeriji adattati.”

L-obbligu li l-annimali jinqatlu fiż-żona ġeografika jitħassar. Din l-emenda hija marbuta mal-ħtieġa li jkun hemm aċċess għal biċċeriji aktar organizzati u aktar strutturati, ħdejn iż-żona ta’ produzzjoni, u dan jippermetti li titnaqqas id-distanza għall-annimali sejrin għall-qatla. Din l-emenda tippermetti wkoll li d-distanza tiġi limitata għal dik prevista mill-istandards dwar il-benesseri tal-annimali u li jkun hemm aċċess għal biċċeriji li jirrispettaw ċerti riti reliġjużi.

Il-punt 3.4 tad-Dokument Uniku ġie emendat bit-tħassir tar-referenza għall-fażi tal-qatla.

L-Artikolu 5.3 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

1.

Is-sentenza:

“Meta titqies il-ħtieġa li tittejjeb l-irtubija tal-karkassi tal-annimali rġiel li għandhom kapaċità ta’ ħażna tax-xaħam, inkluż ix-xaħam intramuskulari, iżgħar minn dik tal-annimali nisa, il-maturazzjoni tal-karkassi tal-annimali rġiel għandha ddum mill-inqas erbat ijiem għar-robbu ta’ quddiem u 10 ijiem għar-robbu ta’ wara.”

hija emendata kif ġej:

“Meta titqies il-ħtieġa li tittejjeb l-irtubija tal-karkassi tal-annimali rġiel li għandhom kapaċità ta’ ħażna tax-xaħam, inkluż ix-xaħam intramuskulari, iżgħar minn dik tal-annimali nisa, il-maturazzjoni tal-karkassi tal-annimali rġiel għandha ddum mill-inqas erbat ijiem għall-biċċiet kollha, ħlief ir-rump, il-ġarretta tal-brodu, l-għalja tal-koxxa u l-kustilji tal-flett, li l-maturazzjoni tagħhom għandha ddum mill-inqas 10 ijiem.”

Huwa speċifikat li l-maturazzjoni tar-rump, tal-ġarretta tal-brodu, tal-għalja tal-koxxa u tal-kustilji tal-flett għandha ddum mill-inqas 10 ijiem, u l-maturazzjoni tal-qatgħat l-oħra kollha għandha ddum mill-inqas erbat ijiem.

Din l-emenda hija neċessarja, għaliex il-qatgħat ta’ wara ma għandhomx l-istess karatteristiċi fiżiċi kollha u ma jintużawx bl-istess mod. Minħabba n-natura tagħhom, uħud minn dawn il-qatgħat huma pjuttost maħsuba li jiġu pproċessati f’laħam ikkapuljat li, mill-perspettiva tas-saħħa, huwa soġġett għal perjodi ta’ maturazzjoni aktar qosra minn dawk li tirrikjedi l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Perjodu twil ta’ maturazzjoni huwa meħtieġ għal ċerti qatgħat speċifiċi ta’ daqs akbar, li jkun fihom ftit tessut konnettiv u jintużaw b’mod partikolari għal riċetti li jirrekjedu ftit sajran, bħal pereżempju r-rump, il-ġarretta tal-brodu, l-għalja tal-koxxa u l-kustilji tal-flett, li l-perjodu minimu ta’ maturazzjoni huwa determinanti għall-kwalità tal-prodott.

It-tikkettar

L-Artikolu 6.3 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott — Il-Punt 3.6 tad-Dokument Uniku

2.

Il-punti li ġejjin:

“—

il-kliem “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” u/jew il-logo tal-Unjoni Ewropea kif previst mir-regolamentazzjoni fis-seħħ. Huwa wkoll possibbli li jintuża l-akronimu “IĠP”;

ir-razza tal-annimal;”

huma emendati kif ġej:

“—

il-logo tal-Unjoni Ewropea kif previst mir-regolamentazzjoni Ewropea fis-seħħ. Huwa wkoll possibbli li jintużaw il-kliem “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” u/jew l-akronimu “IĠP”.

ir-razza tal-annimali, ħlief għal-lottijiet li jkun fihom bosta razez.”

Se jsir obbligatorju li jitpoġġa l-logo tal-Unjoni Ewropea fuq it-tikketta.

Tiżdied dispożizzjoni li tipprevedi l-obbligu li titniżżel ir-razza fuq it-tikketta biss fil-każ tal-lottijiet li jkun fihom razza waħda. Din l-emenda tqis id-dimensjonijiet tat-tikketta, li xi kultant ikunu limitati, u n-nuqqas relattiv ta’ spazju li xi kultant irendi l-indikazzjoni ta’ żewġ razez jew tlieta fuq il-pakkett diffiċli.

3.

Is-sentenza li ġejja titħassar:

“—

Għaldaqstant, ma tista’ tiżdied l-ebda deskrizzjoni li ma tkunx espressament prevista.”

Il-projbizzjoni li fuq it-tikketta tiżdied xi deskrizzjoni li ma tkunx espressament prevista titħassar. Din l-emenda hija ġġustifikata bil-possibbiltà li tiġi indikata informazzjoni addizzjonali fuq it-tikketta, bħad-dieti partikolari tal-bovini (pereżempju: “bla żieda ta’ xaħmijiet tal-annimali”, “mingħajr OĠM”, eċċ.) jew is-sistemi ta’ ċertifikazzjoni tal-intrapriża.

Oħrajn

L-Artikolu 6.2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott — Il-Punt 3.6 tad-Dokument Uniku

4.

Ir-“razza” hija miżjuda mal-lista tal-informazzjoni li tidher fid-dokument ta’ verifika.

Din l-emenda tissupplimenta l-lista tal-informazzjoni fid-dokument ta’ verifika li tippermetti li jiġu vverifikati l-kundizzjonijiet ta’ konformità tad-denominazzjoni. Din l-emenda għandha l-għan li tiggarantixxi li tiġi reġistrata l-informazzjoni dwar ir-razza tal-annimali.

Il-parti rilevanti tad-Dokument Uniku ġiet aġġornata.

Imballaġġ

L-Artikolu 6.4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott — Il-Punt 3.5 tad-Dokument Uniku

5.

Is-sentenza:

“Il-laħam frisk jew iffriżat li jiġi kkumerċjalizzat f’biċċiet maqtugħin minn qabel għandu jiġi ppakkjat b’wieħed mill-modi li ġejjin: imballaġġ minn qabel, imballaġġ f’vakwu jew imballaġġ f’atmosfera modifikata.”

hija emendata kif ġej:

“Il-laħam frisk jew iffriżat li jiġi kkumerċjalizzat f’biċċiet maqtugħin minn qabel għandu jkollu wieħed mill-imballaġġi primarji li ġejjin: imballaġġ primarju minn qabel, imballaġġ minn qabel, imballaġġ primarju f’vakwu jew imballaġġ primarju f’atmosfera modifikata.”

Din l-emenda tippermetti li tiżdied il-possibbiltà li dawn il-prodotti jinbiegħu f’imballaġġi magħmulin fil-post tal-bejgħ, minħabba li l-bejgħ tal-prodotti imballati b’dawn il-modi huwa meqjus bħala frekwenti, b’mod partikolari fid-distribuzzjoni fuq skala kbira.

Il-punt li jikkorrispondi fid-Dokument Uniku ġie aġġornat.

6.

Is-sentenza:

“L-imballaġġ primarju jista’ jsir biss fl-impjanti tat-tqattigħ awtorizzati u kkontrollati mill-korp kompetenti li jawtorizza t-tqegħid tal-logo tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta fuq kull imballaġġ.”

hija emendata kif ġej:

“L-imballaġġ primarju jista’ jsir biss fil-biċċeriji u fl-impjanti tat-tqattigħ awtorizzati u kkontrollati mill-korp kompetenti li jawtorizza t-tqegħid tal-logo tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta fuq kull imballaġġ.”

Meta titqies l-emenda preċedenti, tqis xieraq li mal-lista tal-partijiet awtorizzati li jwettqu l-imballaġġ primarju jiżdiedu l-biċċeriji.

Il-punt rilevanti fid-Dokument Uniku ġie aġġornat.

Aġġornamenti regolatorji

7.

Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 510/2006 7 fl-Artikolu 1 u fl-Artikolu 7 fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġew adattati għar-regolamentazzjoni fis-seħħ.

DOKUMENT UNIKU

“Vitellone bianco dell’Appennino centrale”

Nru tal-UE: PGI-IT-1552-AM02 — 26.9.2017

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Vitellone bianco dell’Appennino centrale”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.1. Laħam frisk (u l-ġewwieni)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’ 1

Il-laħam tal-IĠP “Vitellone bianco dell’Appennino centrale” ġej minn annimali bovini maskili u femminili, tar-razez puri Chianina, Marchigiana u Romagnola, li jkollhom bejn 12 u 24 xaħar u jkunu mwielda u mrobbija fiż-żona tipika tal-produzzjoni.

L-annimali bovini għandhom jitnisslu b’mod selettiv u jiġu rreġistrati kif suppost fir-Reġistru tal-Bhejjem iż-Żgħar tar-Reġistru Nazzjonali tal-Bhejjem għaċ-ċertifikazzjoni tal-purezza tar-razza, fattur ġenetiku importanti għall-karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi tal-laħam.

Il-partijiet esposti tal-laħam tal-karkassa ma għandux ikollhom kulur mhux normali (maġenta jew li jagħti fl-iswed). Il-kulur tax-xaħam viżibbli ma għandux jagħti fl-isfar ċar u x-xaħam lanqas ma għandu jkollu vini sofor skuri.

Il-parametri medji tal-kwalità tal-laħam “Vitellone bianco dell’Appennino centrale” huma kif ġej:

pH bejn 5,2 u 5,8

estratt tal-etere (tale quale) inqas minn 3 %

irmied (tale quale) inqas minn 2 %

proteini (tale quale) iktar minn 20 %

kolesterol inqas minn 50 mg/100 g

proporzjon ta’ aċidi xaħmin mhux saturati ma’ dawk saturati ta’ iktar minn 1,0

kemm jinxtorob b’mod naturali inqas minn 3 %

grad ta’ ebusija (nej) inqas minn 3,5 kg/cm2

kulur (binhar 2667 K) — L aktar minn 30

C aktar minn 20

H bejn 25 u 45

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

L-għoġġiela tar-razza “bianca” tal-Apennini jitreddgħu b’mod naturali minn ommhom sakemm jinfatmu. Wara, il-bażi tal-għalf tagħhom ikunu l-ħxejjex u/jew l-foraġġ li jkun ġej minn mergħat naturali u artifiċjali jew minn uċuħ tar-raba’ tipiċi taż-żona ġeografika identifikata. Barra minn hekk, jistgħu jintużaw konċentrati tal-għalf sempliċi jew kumplessi, flimkien ma’ addittivi supplimentari.

Ir-razzjon jiġi kkalkulat b’tali mod li jiżgura livelli nutrittivi għoljin jew medji għoljin, b’valuri massimi ta’ 0,8 unitajiet tal-għalf għal kull kg ta’ materja xotta għall-annimali bovini maskili u ta’ 0,7 U.F. għal kull kg ta’ materja xotta għal dawk femminili.

Il-prodotti sekondarji tal-industriji li ġejjin huma awtorizzati biss fil-forma ta’ komponenti ta’ għalf ikkonċentrat:

Polpa friska residwa tal-pitravi;

Fergħat u weraq mitħunin tas-siġra taż-żebbuġ;

Weraq tas-siġra taż-żebbuġ friski jew imnixxfa;

Polpa tal-larinġ;

Polpa mnixxfa tal-frott taċ-ċitru;

Polpa diżidrata tal-larinġ;

Residwi taż-żebbuġ;

Qxur taż-żebbuġ;

Qxur u żerriegħa tat-tadam;

Residwi mid-distilleriji;

Għeruq sekondarji tal-malt;

Fond u skart mill-birreriji;

Fond u skart frisk jew diżidrat;

Vinassa friska jew imnixxfa;

Granza naturali jew kummerċjali;

Residwu tat-tuffiegħ magħsur;

Frott frisk jew ippreżervat.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji speċifiċi fil-produzzjoni li jridu speċifikament iseħħu fiż-żona ġeografika huma t-twelid u t-trobbija, inkluż il-perjodu tal-ftim u tas-simna.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-laħam frisk jew iffriżat li jiġi kkumerċjalizzat f’biċċiet maqtugħin minn qabel għandu jiġi ppakkjat b’wieħed mill-modi li ġejjin: imballaġġ primarju minn qabel, imballaġġ minn qabel, imballaġġ primarju f’vakru jew imballaġġ primarju f’atmosfera modifikata.

L-imballaġġ primarju jista’ jsir biss fil-biċċeriji u fl-impjanti tat-tqattigħ awtorizzati u kkontrollati mill-korp kompetenti li jawtorizza t-tqegħid tal-logo tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta fuq kull imballaġġ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-laħam “Vitellone bianco dell’Appennino centrale” għandu jiġi kumerċjalizzat bil-marka speċifika ta’ identifikazzjoni bil-kliem IĠP “Vitellone bianco dell’Appennino centrale”.

Il-marka ta’ identifikazzjoni għandha titpoġġa fuqu mill-korp ta’ spezzjoni fil-biċċerija.

Barra l-informazzjoni obbligatorja rikjesta mir-regolamentazzjoni fis-seħħ, it-tikketta trid turi l-informazzjoni li ġejja:

1.

in-numru ta’ referenza jew il-kodiċi tat-traċċabbiltà;

2.

id-denominazzjoni “Vitellone Bianco dell’Appennino Centrale” u/jew il-logo;

3.

il-logo tal-Unjoni Ewropea kif previst mir-regolamentazzjoni fis-seħħ. Huwa wkoll possibbli li jintużaw il-kliem “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” u/jew l-akronimu “IĠP”.

4.

Ir-razza tal-annimali, ħlief għal-lottijiet li jkun fihom bosta razez.

It-tikketta tista’ wkoll tipprovdi informazzjoni oħra prevista fid-dokument ta’ verifika, dokument elettroniku meħtieġ għall-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ konformità u li jkun fih id-data li ġejja: in-numru ta’ identifikazzjoni tal-annimal (in-numru tar-reġistrazzjoni); l-azjenda tat-twelid; l-azjendi tat-trobbija u/jew tat-tismin; il-movimenti tal-annimal; id-data tat-twelid; ir-razza; is-sess; id-data u n-numru ta’ sekwenza tal-qatla; il-kategorija tal-annimal; il-piż tal-karkassa u tal-qatgħa tal-laħam; il-konformazzjoni u x-xaħam tal-karkassa skont il-klassifikazzjoni tal-KE; l-isem u l-indirizz tal-uffiċċju reġistrat tal-biċċerija fejn saret il-qatla; l-isem u l-indirizz tal-uffiċċju reġistrat tal-impjant tat-tqattigħ fejn ikun sar it-tqattigħ; l-indikazzjoni tat-tip ta’ prodott akkwistat (karkassa, nofs karkassa, biċċa minn sitta, kwart, qatgħat individwali jew qatgħat imħallta); l-isem u l-indirizz tal-uffiċċju reġistrat tad-destinatarju (il-biċċerija, l-impjant tat-tqattigħ, l-operatur kummerċjali); l-isem tal-espert inkarigat miċ-ċertifikazzjoni.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-laħam “Vitellone Bianco dell’Appennino Centrale” hija magħmula mit-territorju tal-provinċji u tal-muniċipalitajiet li jinsabu tul il-katina tal-Apennini fiċ-ċentru tal-Italja.

B’mod iktar preċiż, iż-żona tal-produzzjoni hija magħmula mit-territorji tal-provinċji attwali li ġejjin: Bologna, Ravenna, Forlì-Cesena, Rimini, Ancona, Ascoli Piceno, Fermo, Macerata, Pesaro-Urbino, Teramo, Pescara, Chieti, L’Aquila, Campobasso, Isernia, Benevento, Avellino, Frosinone, Rieti, Viterbo, Terni, Perugia, Grosseto, Siena, Arezzo, Firenze, Prato, Livorno, Pisa, Pistoia; Roma (il-muniċipalitajiet ta’ Arcinazzo Romano, Camerata Nuova, Cervara di Roma, Jenne, Mazzano Romano, Ponzano Romano, Sant’Oreste, Subiaco, Vallepietra, Vallinfreda, Vivaro Romano biss), Latina (il-muniċipalitajiet ta’ Campodimele, Castelforte, Fondi, Formia, Itri, Lenola, Minturno, Monte San Biagio, Prossedi, Roccasecca dei Volsci, Santi Cosma e Damiano, Sonnino, Spigno Saturnia biss) u Caserta (il-muniċipalitajiet ta’ Ailano, Alife, Alvignano, Baia e Latina, Bellona, Caianello, Caiazzo, Calvi Risorta, Camigliano, Capriati a Volturno, Castel Campagnano, Castel di Sasso, Castello del Matese, Ciorlano, Conca della Campania, Dragoni, Fontegreca, Formicola, Francolise, Gallo Matese, Galluccio, Giano Vetusto, Gioia Sannitica, Letino, Liberi, Marzano Appio, Mignano Monte Lungo, Pastorano, Piana di Monte Verna, Piedimonte Matese, Pietramelara, Pietravairano, Pignataro Maggiore, Pontelatone, Prata Sannita, Pratella, Presenzano, Raviscanina, Riardo, Rocca D’Evandro, Roccaromana, Rocchetta e Croce, Ruviano, San Gregorio Matese, San Pietro Infine, San Potito Sannitico, Sant’Angelo d’Alife, Sparanise, Teano, Tora e Piccilli, Vairano Patenora, Valle Agricola, Vitulazio biss).

5.   Rabta maż-żona ġeografika

It-territorji tal-Apennini għandhom ekosistema speċifika ħafna fir-rigward tal-klima, tal-varjazzjonijiet fit-temperatura u tal-ammont totali ta’ xita. Dawn il-kundizzjonijiet ambjentali, li huma wkoll marbutin mal-morfoloġija u mal-pożizzjoni speċifika tal-ħamrija, jinfluwenzaw it-tkabbir ta’ flora tal-mergħat varjata u partikolari ħafna. Il-mergħat għandhom identità preċiża marbuta mal-kontenut tagħhom ta’ elementi “essenzjali”, bħall-komposti aromatiċi speċifiċi u l-pigmenti.

Iż-żona tinsab f’pajsaġġ b’għoljiet u muntanji fejn il-foresti jiddominaw f’altitudni baxxa, u mbagħad jinbidlu f’mergħat hekk kif jintlaħaq l-ilma tal-pjan tal-Apennini u fejn l-użu tal-art wassal għal pajsaġġ b’qatgħat żgħar li jintużaw għal skopijiet differenti: uċuħ tar-raba’, foresti u mergħat.

Il-kundizzjonijiet ambjentali huma tipiċi tal-klima Apennina Mediterranja, b’medja ta’ xita ta’ madwar 1 200 mm fis-sena (b’massimu ta’ 2 000 mm fi snin mhux normali), u temperaturi medji annwali li jvarjaw minn 0 °C fix-xitwa għal 24 °C fis-sajf, b’temperaturi minimi ta’ -10 °C u temperaturi massimi li jistgħu jaqbżu t-30 °C.

Il-kontenut ta’ proteini u l-proporzjon ta’ aċidi xaħmin saturat u mhux saturat huma elementi importanti għall-valutazzjoni tal-karatteristiċi kwalitattivi tal-laħam “Vitellone bianco dell’Appennino centrale”.

Il-laħam li jiġi prodott, anke dak imqatta’ fil-ħwienet tal-laħam, mhux tip ta’ laħam li l-partijiet esposti tiegħu jiskuraw malajr. B’hekk l-ammonti ta’ dan il-laħam li jintremew waqt l-ipproċessar jitnaqqsu konsiderevolment.

Ir-rabta bejn iż-żona ġeografika ddefinita u l-prodott ġejja mill-għaqda flimkien tal-ġabra ġenetika, tat-tip ta’ trobbija u tal-klima tal-post.

B’mod ġenerali t-tip ta’ trobbija hija dik tradizzjonali — bl-annimali bovini miżmuma marbutin f’maqjel jew inkella mħollija parzjalment fil-libertà waqt l-istadju tas-simna. L-għalf li jintuża fl-istadji tat-tkabbir u tas-simna huwa ġeneralment prodott fl-azjenda stess. Il-biċċa l-kbira tal-azjendi jipprattikaw trobbija hekk imsejħa ta’ “ċiklu magħluq”, jiġifieri huma jkabbru l-għoġġiela mwelldin mill-baqar li huma ommijiet fl-imqawel sa ma jkunu jiżnu biżżejjed biex ikunu jistgħu jinqatlu.

Il-karatteristiċi prinċipali tal-prodott huma ddeterminati l-ewwelnett mill-fatt li l-annimali jappartjenu għal tliet razez ta’ laħam indiġeni, li ilhom jitrabbew fit-territorju ddefinit għal sekli twal, fuq il-bażi ta’ tekniki produttivi tradizzjonali li ilhom applikati għal żmien twil.

Il-laħam jassorbi l-effetti ambjentali dinamikament. Dan jiddetermina d-differenzi mhux biss f’termini organolettiċi, iżda wkoll f’termini tal-massa muskolari u tal-partijiet fibrużi u bix-xaħam. Billi l-annimali jitrabbew ġeneralment fil-libertà, iċ-ċiklu bijoloġiku tagħhom huwa marbut strettament mal-ambjent ġeografiku li jinsabu fih.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament.)

Il-Ministeru nieda l-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għal emenda tal-IĠP “Vitellone bianco dell’Appennino centrale” fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 131 tat-8 ta’ Ġunju 2017.

It-test konsolidat tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jinsab fuq is-sit web li ġej:

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew inkella

billi żżur il-paġna uffiċjali tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tikklikkja fuq “Qualità” (fin-naħa ta’ fuq fil-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Prodotti DOP, IGP e STG” (fil-ġenb, fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tikklikkja fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

7.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 441/31


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9187 — Autolaunch/Beijing Electric Vehicle Co/JVs)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 441/09)

1.   

Fit-23 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Autolaunch Ltd. (“Autolaunch”) (l-Irlanda), kkontrollata minn Magna International Inc. (“Magna”)

Beijing Electric Vehicle Co., Ltd. (“BJEV”) (iċ-Ċina) proprjetà tal-Beijing Automotive Group Co., Ltd. (“BAIC Group”).

Magna Blue Sky NEV Technology (Zhenjiang) Co., Ltd. (“Tech-JV”)

Blue Sky NEV Manufacturing Co., Ltd. (“CM-JV”)

Autolaunch u BJEV jakkwistaw fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll konġunt ta’ Tech-JV u ta’ CM-JV.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Autolaunch hija attiva fil-produzzjoni ta’ għodod u servizzi relatati. Hija sussidjarja 100 % proprjetà ta’ Cosma Tooling Ireland Unlimited li hija direttament miżmuma minn Magna, fornitur dinji ta’ dak li għandu x’jaqsam mal-vetturi.

BJEV hija prinċipalment attiva fl-oqsma tal-integrazzjoni u t-tlaqqigħ tas-sistema tal-vetturi, il-produzzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kontroll tal-vetturi, sistemi tal-mototrażmissjoni elettrika u sistemi purament elettriċi għat-trasport tal-passiġġieri. BJEV hija sussidjarja proprjetà sħiħa tal-BAIC Group.

Tech-JV se jkun attiv fil-provvediment ta’ servizzi ta’ inġinerija għal vetturi “blade” tal-passiġġieri li jaħdmu bl-elettriku u CM-JV se tkun attiva fil-manifattura u l-provvista ta’ vetturi “blade” elettriċi tal-passiġġieri fiċ-Ċina.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont in-Notifika tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jenħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fin-Notifika.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jenħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.9187 — Autolaunch/Beijing Electric Vehicle Co/JVs

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks: +32 22964301

Indirizz tal-posta:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.