ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 438

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
5 ta' Diċembru 2018


Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 438/01

Rata tal-kambju tal-euro

1

2018/C 438/02

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal isem fis-settur tal-inbid (Cebreros (DOP))

2


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 438/03

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ AT.39398 — Visa MIF

8

2018/C 438/04

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ AT.40049 — Mastercard II

11


MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

5.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 438/1


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-4 ta’ Diċembru 2018

(2018/C 438/01)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1409

JPY

Yen Ġappuniż

128,68

DKK

Krona Daniża

7,4626

GBP

Lira Sterlina

0,89058

SEK

Krona Żvediża

10,2293

CHF

Frank Żvizzeru

1,1348

ISK

Krona Iżlandiża

139,60

NOK

Krona Norveġiża

9,6473

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,901

HUF

Forint Ungeriż

323,20

PLN

Zloty Pollakk

4,2823

RON

Leu Rumen

4,6514

TRY

Lira Turka

6,1035

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5451

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5031

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,9071

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6406

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5550

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 261,04

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

15,5292

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,7986

HRK

Kuna Kroata

7,4015

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 303,46

MYR

Ringgit Malażjan

4,7319

PHP

Peso Filippin

60,035

RUB

Rouble Russu

75,7901

THB

Baht Tajlandiż

37,273

BRL

Real Brażiljan

4,3642

MXN

Peso Messikan

23,2057

INR

Rupi Indjan

80,4720


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


5.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 438/2


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Novembru 2018

dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal isem fis-settur tal-inbid

(Cebreros (DOP))

(2018/C 438/02)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 97(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Spanja bagħtet applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Cebreros” skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(2)

Skont l-Artikolu 97(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni eżaminat dik l-applikazzjoni u kkonkludiet li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 93 sa 96, fl-Artikolu 97(1) u fl-Artikoli 100, 101 u 102 ta’ dak ir-Regolament huma ssodisfati.

(3)

Sabiex ikunu jistgħu jitressqu dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jenħtieġ li d-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) ta’ dak ir-Regolament, u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott li saret matul il-proċedura nazzjonali preliminari għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Cebreros”, jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Id-dokument uniku stabbilit skont l-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-isem “Cebreros” (DOP) jinsabu fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tikkonferixxi d-dritt ta’ oġġezzjoni għall-protezzjoni tal-isem speċifikat fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


ANNESS

DOKUMENT UNIKU

“Cebreros”

DOP-ES-02348

Data tal-applikazzjoni: 20.2.2017

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Cebreros

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP — Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Inbejjed bojod:

L-inbejjed bojod għandhom sfumaturi li jvarjaw minn isfar kulur it-tiben għal isfar kulur id-deheb. Huma ċari u brillanti, b’riħa ta’ frott, u huma tajbin, ibbilanċjati, u b’sensazzjoni żejtnija fil-ħalq. Jekk l-inbejjed ikunu mmaturaw fil-btieti, jistgħu jkunu kulur id-deheb fit-truf, l-aroma ta’ frott tagħhom tkun aktar misjura, u jkunu ta’ palat aktar qawwi.

Aċidità volatili massima għall-inbejjed ta’ aktar minn sena: 16,67 meq/l sa 10 % vol, li tiżdied b’1 meq/l għal kull grad ta’ qawwa alkoħolika li taqbeż l-10 %.

Dawn l-inbejjed jistgħu jaqbżu l-limiti stabbiliti fl-Anness IC, il-punt 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009, sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 3 ta’ dan l-Anness.

Il-parametri analitiċi mhux stabbiliti f’dan id-dokument għandhom jikkonformaw mar-regoli fis-seħħ.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika reali minima (f’% tal-volum)

12

Aċidità totali minima

4 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

13,33

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

160

Inbejjed rożè:

L-inbejjed rożè huma ċari u brillanti, u l-kulur tagħhom ivarja minn roża ċar għal roża kulur il-frawli jew il-lampun. Tipikament ikollhom noti ta’ frott aħmar u/jew iswed, bi struttura medja fil-ħalq. Jekk ikunu mmaturaw fil-btieti, it-toni tagħhom jistgħu jkunu aktar fl-oranġjo, u l-ħjiel tal-frott ikun ta’ inqas intensità, u b'togħmiet tal-injam fl-isfond.

Aċidità volatili massima għall-inbejjed ta’ aktar minn sena: 16,67 meq/l sa 10 % vol, li tiżdied b’1 meq/l għal kull grad ta’ qawwa alkoħolika li taqbeż l-10 %.

Dawn l-inbejjed jistgħu jaqbżu l-limiti stabbiliti fl-Anness IC, il-punt 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009, sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 3 ta’ dan l-Anness.

Il-parametri analitiċi mhux stabbiliti f’dan id-dokument għandhom jikkonformaw mar-regoli fis-seħħ.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika reali minima (f’% tal-volum)

12

Aċidità totali minima

4,5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

13,33

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

160

Inbejjed ħomor:

L-inbejjed ħomor huma ċari fid-dehra, b’tonalitajiet ħomor kulur iċ-ċirasa u bi ħjiel ta’ vjola. Tipikament ikollhom noti ta’ frott aħmar u/jew iswed, kif ukoll aċidità u struttura bbilanċjata, li jagħmluhom fini u eleganti. Jekk ikunu mmaturaw fil-btieti, iżommu l-firxa ta’ frott tagħhom flimkien mat-togħma tal-injam, u jsiru aktar lixxi fit-togħma u jiksbu togħma li ddum aktar b’tonalitajiet ta’ aħmar kemxejn skur.

Aċidità volatili massima għall-inbejjed ta’ aktar minn sena: 16,67 meq/l sa 10 % vol, li tiżdied b’1 meq/l għal kull grad ta’ qawwa alkoħolika li taqbeż l-10 %.

Dawn l-inbejjed jistgħu jaqbżu l-limiti stabbiliti fl-Anness IC, il-punt 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009, sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 3 ta’ dan l-Anness.

Il-parametri analitiċi mhux stabbiliti f’dan id-dokument għandhom jikkonformaw mar-regoli fis-seħħ.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika reali minima (f’% tal-volum)

13

Aċidità totali minima

4,5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

13,33

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

150

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Prattiki enoloġiċi essenzjali

Prattiki tal-kultivazzjoni

It-tħawwil, il-mili ta’ spazji, it-tlaqqim in situ, u t-tlaqqim mill-ġdid jista’ jsir biss b’varjetajiet awtorizzati.

It-tħawwil ġdid jista’ juża biss il-varjetajiet ewlenin: Garnacha Aħmar u Albillo Real.

Id-dielja tista’ titrawwem bil-modi li ġejjin:

Bl-użu tal-metodu tradizzjonali tal-kalċi u l-varjanti tiegħu.

Fuq sistemi ta’ trawwim ta’ dwieli f’espaliers: trawwim iggwidat u appoġġjat.

Prattika enoloġika speċifika

Qawwa alkoħolika potenzjali minima tal-għeneb: 12 % vol. (varjetajiet ħomor) u 11 % vol. (varjetajiet bojod).

Għandhom jintużaw biss tankijiet u kontenituri li ma jikkontaminawx l-inbid u li huma permessi skont il-leġiżlazzjoni attwali.

Rendiment massimu ta’ estrazzjoni: 70 l għal kull 100 kg ta’ għeneb.

Kundizzjonijiet tal-maturazzjoni

L-inbejjed li jużaw it-terminu “IFFERMENTAT FIL-BTIETI” (“FERMENTADO EN BARRICA”) għandhom jużaw btieti tal-ballut kemm għall-fermentazzjoni kif ukoll għall-maturazzjoni bil-karfa.

Il-maturazzjoni sussegwenti għandha ssir fi btieti tal-ballut.

Il-kalkolu tal-perjodu ta’ maturazzjoni għandu jibda fl-1 ta’ Novembru tas-sena tal-ħsad.

Restrizzjoni rilevanti għall-vinifikazzjoni

L-inbejjed bojod għandhom isiru esklussivament bil-varjetà Albillo Real.

Il-varjetajiet rożè u aħmar għandhom isiru b’minimu ta’ 95 % tal-varjetà Garnacha Aħmar.

Għall-estrazzjoni tal-most, l-użu kemm ta’ magni ċentrifugi b’veloċità għolja kif ukoll ta’ preses kontinwi huwa pprojbit.

b.   Rendimenti massimi

6 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru.

42 ettolitru għal kull ettaru.

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Il-muniċipalitajiet huma elenkati hawn taħt u kollha jinsabu fil-provinċja ta’ Avila:

La Adrada, El Barraco, Burgohondo, Casavieja, Casillas, Cebreros, Cuevas del Valle, Fresnedilla, Gavilanes, Herradón de Pinares, Higuera de las Dueñas, El Hoyo de Pinares, Lanzahíta, Mijares, Mombeltrán, Navahondilla, Navalmoral, Navaluenga, Navarredondilla, Navarrevisca, Navatalgordo, Pedro Bernardo, Piedralaves, San Bartolomé de Pinares, San Esteban del Valle, San Juan de la Nava, San Juan del Molinillo, Santa Cruz de Pinares, Santa Cruz del Valle, Santa María del Tiétar, Serranillos, Sotillo de la Adrada, El Tiemblo, Villanueva de Ávila u Villarejo del Valle.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

 

ALBILLO REAL

 

GARNACHA AĦMAR — GIRONET

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Fatturi naturali u umani

Fatturi naturali

Iż-żona li trid tiġi protetta tinsab fis-Sistema Iberika Ċentrali tal-ktajjen ta’ muntanji, bejn il-baċiri tax-xmajjar Alberche u Tiétar, li huma tributarji tax-xmara t-Tajo. Il-parti tal-Lvant tal-katina ta’ muntanji Sierra de Gredos tifred iż-żewġ baċiri tax-xmajjar. Fil-biċċa l-kbira fiha materjali li huma ta’ oriġini granitika.

Fil-baċir tal-Alberche, it-terren huwa imħatteb, iżda mingħajr karatteristiċi akuti. Huwa mħallat b’mod alternat ma’ għoljiet wieqfa ħafna ta’ għoli konsiderevoli. Il-vinja tinsab prinċipalment fuq in-naħa tal-għoljiet tax-xatt tax-xellug tal-wied li jħares lejn in-Nofsinhar. L-altitudni hija bejn 800 m u 1 000 m, għalkemm xi rqajja’ jistgħu jkunu ‘l fuq minn 1 000 m. Il-baċir tax-xmara Tiétar huwa aktar baxx, iżda jitla’ f’daqqa lejn is-sors tiegħu.

Il-ħamrija hija ġulġliena, ramlija, u kemxejn aċiduża, b’sodda ta’ blat tal-granit u ftit materjal organiku. Hemm żona tax-shale b’ħamrija ramlija ġulġliena ratba, għalkemm hija ferm iżgħar. Skont il-klassifikazzjoni tal-FAO, il-ħamrija fiż-żona hija fil-biċċa l-kbira tat-tip Cambisols. It-tipi Dystric u Humic Cambisols huma l-iktar preżenti fil-ħamrija fil-vinji.

Il-klima hija Mediterranja b’influwenza kontinentali. Għandha xitwa relattivament qasira u li mhijiex kiesħa ħafna. Is-sajf huwa twil, sħun u niexef. It-temperatura medja annwali fiż-żona fejn tinsab il-vinja (is-Sierra de Gredos għandha klima tal-muntanji) hija bejn 12 u 15 °C, u x-xita tvarja bejn 400 u 800 mm fis-sena. Hemm 215-il jum fis-sena mingħajr ġlata. B’mod ġenerali, jista’ jingħad li l-klima hija aktar sħuna u b’aktar xita milli fiż-żoni xi mkien ieħor fir-reġjun, fejn jinsabu d-DOP tax-xmara Douro.

Fatturi umani

Għal sekli sħaħ, il-bnedmin għażlu l-aħjar artijiet għall-kultivazzjoni tad-dwieli, fejn għażlu dawk li kienu l-aktar xierqa u li jħarsu lejn in-Nofsinhar ix-Xlokk. Ta’ min jinnota l-altitudni għolja ta’ ċerti rqajja’ — b’elevazzjoni ta’ aktar minn 1 000 metru.

Garnacha Aħmar u Albillo Real huma l-varjetajiet ewlenin użati biex isir l-inbid. Matul l-istorja kien hemm referenzi dwar kemm dawn il-varjetajiet huma adatti għaż-żona. Għalkemm dawn il-varjetajiet jitkabbru f’żoni oħra, il-kwalitajiet tal-ħamrija u l-klima jipproduċu karatteristiċi distintivi ħafna fl-inbejjed protetti.

Il-vinji fiż-żona demarkata huma antiki ħafna. 94 % tad-dwieli għandhom aktar minn 50 sena u 37 % għandhom aktar minn 80 sena. Dan ifisser volumi ta’ produzzjoni baxxi li huma ta’ kwalità għolja.

Hemm mudell ta’ tħawwil spazjuż fiż-żona, ġeneralment akbar minn 2,5 × 2,5 metri. Id-densità tat-tħawwil hija għalhekk 1 600 dielja għal kull ettaru, xierqa għall-ammont baxx u irregolari ta’ xita u għall-ħamrija li hija fqira mill-materja organika.

Karatteristiċi tal-prodott

L-inbejjed fiż-żona demarkata jistgħu jiġu separati fi: bojod, rożè, ħomor, żgħażagħ u mmaturati. Dawn kollha għandhom il-karatteristiċi tipiċi li ġejjin:

Qawwa alkoħolika għolja.

Aċidu tartariku għoli u bbilanċjat.

Potenzjal tajjeb għall-ħżin. L-inbejjed ħomor b’mod partikolari jibqgħu tajbin għal żmien twil.

Huma bbilanċjati, lixxi u grazzjużi fuq il-palat, u vivaċi ħafna.

Rabta kawżali

Il-karattru distintiv tal-inbejjed miż-żona demarkata huwa essenzjalment dovut għall-ambjent ġeografiku: kif imsemmi hawn fuq, iż-żona hija ddefinita minn żewġ katini ta’ muntanji u żewġ xmajjar li t-tnejn huma tal-baċir tax-xmara Tagus. Il-vinja tinsab prinċipalment fuq in-naħa tal-għoljiet tax-xtut tax-xellug tal-widien li jħarsu lejn in-Nofsinhar. Bħala riżultat, il-karatteristiċi tal-ħamrija, il-ġeoloġija u l-klima taż-żona jagħmluha żona eċċezzjonali u unika għall-kultivazzjoni tad-dwieli. Barra minn hekk, l-għarfien espert tal-bniedem fl-għażla tal-varjetajiet l-aktar adattati u tal-metodu tat-tkabbir l-aktar xieraq jagħmilha possibbli li jiġi manifatturat prodott speċifiku u uniku. Il-fatturi ewlenin li juru din ir-rabta huma miġbura fil-qosor hawn taħt:

Il-kwalità ġulġliena ramlija tal-ħamrija b’sodda ta’ blat tal-granit tagħmel lill-inbejjed fini u grazzjużi fuq il-palat.

Il-mikroklima taż-żona li għandha tiġi protetta — b’differenza miż-żoni tal-madwar — hija aktar varjata mill-bqija ta’ Kastilja u León, u hija aktar friska miż-żoni tan-Nofsinhar u tal-Lvant, b’karatteristiċi mmarkati tagħha stess. Madankollu, in-nuqqas ta’ xita fis-sajf u fil-bidu tal-ħarifa jiżgura li l-għeneb maħsud ikun b’saħħtu u ta’ kwalità għolja.

Il-vinji jinsabu f’altitudni għolja, b’xi wħud li jinsabu aktar minn elf metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Dan għaliex l-għeneb li jirriżulta jkollu aċidità tajba ħafna, li tagħti freskezza u vivaċità lill-inbid.

Il-mappa tal-varjetà ta’ għeneb turi wkoll il-karattru distintiv tiegħu. Għal sekli sħaħ il-kultivaturi tal-inbid għażlu l-aktar varjetajiet adatti għaż-żona: Garnacha Aħmar u Albillo Real, li huma l-bażi tal-inbejjed u jagħtuhom il-karatteristika distintiva tagħhom. Garnacha Aħmar jipproduċi nbejjed b’qawwa alkoħolika għolja, għalkemm minħabba l-altitudni u l-klima huma friski fuq il-palat. Albillo Real huwa speċifiku għaż-żona u distint minn Albillo Mayor, tipiku ta’ żoni oħra f’Kastilja u León; jipproduċi nbejjed kumplessi, b’togħma tajba u vivaċi, xierqa ħafna għall-maturazzjoni fil-bettija.

Id-distanzi tat-tħawwil li ntużaw tradizzjonalment, flimkien mal-ammont baxx ta’ xita u n-nuqqas ta’ materjal organiku fil-ħamrija, jagħtu lok għal rendiment baxx ħafna. Dan huwa wieħed mill-fatturi wara l-kwalità għolja tal-għeneb kemm mill-perspettiva tal-produzzjoni kif ukoll tal-polifenol. Għandhom parametri analitiċi bbilanċjati u jimmaturaw tajjeb ħafna.

Il-vinja hija antika ħafna (94 % tad-dwieli għandhom aktar minn 50 sena u 37 % għandhom aktar minn 80 sena). Flimkien mal-karatteristiċi msemmija hawn fuq, dan ifisser li l-inbejjed jifilħu tajjeb għall-ħżin.

Meħuda flimkien, iċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq jipproduċu għeneb li jimmatura tajjeb ħafna, u dan ifisser li jistgħu jiġu prodotti nbejjed b’kontenut għoli ta’ alkoħol (mhux anqas minn 12° fl-inbejjed bojod u rożè u 13° f’dawk ħomor). Fl-istess ħin hemm aċidità konsiderevoli (aċidità totali ta’ mhux inqas minn 4,5 grammi għal kull litru espressa bħala aċidu tartariku). Din il-karatteristika doppja, kontenut għoli ta’ alkoħol u aċidità għolja, tagħti lill-inbejjed ta’ Cebreros il-bilanċ karatteristiku tagħhom.

L-inbejjed koperti miż-żona protetta huma differenti minn dawk taż-żoni tal-madwar, b’mod partikolari l-inbejjed mill-wied tad-Duero, minħabba li juru dan il-bilanċ tipiku bejn alkoħol u aċidità, bi struttura li hija mmarkata iżda mhux eċċessiva, li tirriżulta fI nbejjed b’karattru eleganti ħafna.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Qafas ġuridiku:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni oħra:

Imballaġġ fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Il-proċess tal-produzzjoni tal-inbid jinkludi l-ibbottiljar u l-maturazzjoni sussegwenti fil-flixkun, u għalhekk il-karatteristiċi organolettiċi deskritti fl-Ispeċifikazzjoni jistgħu jiġu garantiti biss jekk l-operazzjonijiet kollha tal-immaniġġjar tal-inbid iseħħu fiż-żona demarkata. L-inbejjed jispiċċaw fil-flixkun, fejn jintemm il-proċess tal-produzzjoni. Huwa hawnhekk li l-inbejjed jieħdu l-karatteristiċi definiti fit-taqsima 2 ta’ din l-Ispeċifikazzjoni u, b’mod partikolari, il-karatteristiċi organolettiċi tagħhom. It-trasport bl-ingrossa tal-inbid, mhux ibbottiljat, ikun ifisser li l-prodott jiċċaqlaq mingħajr din l-operazzjoni finali, u dan iwassal għal telf ta’ kwalità (ossidazzjoni u sinjali oħra ta’ bidla, eċċ.).

L-ibbottiljar tal-inbejjed huwa għalhekk wieħed mill-kriterji ewlenin biex jiġu żgurati l-karatteristiċi miksuba matul il-produzzjoni u — fejn xieraq — il-proċess tal-maturazzjoni. Minħabba dan, l-ibbottiljar għandu jsir ukoll fil-faċilitajiet tal-ibbottiljar ta’ fabbriki tal-inbid li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni.

Qafas ġuridiku:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni oħra:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

It-terminu “INBID TA’ KWALITÀ TA’ CEBREROS” (“VINO DE CALIDAD DE CEBREROS”) jista’ jintuża fuq it-tikkettar minflok “DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA”“CEBREROS”’.

Għandu jkun obbligatorju li tiġi indikata s-sena tal-ħsad, tal-vendemmja jew termini ekwivalenti, anki fejn l-inbejjed ma jkunux ġew immaturati.

Jistgħu jintużaw it-termini “IFFERMENTAT FIL-BTIETI” jew “BALLUT” (“ROBLE”), sakemm l-inbejjed jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni attwali.

F’dawk il-lottijiet fejn jiġi ppruvat li 100 % tal-għeneb użat biex isir l-inbid jiġi minn muniċipalità waħda, jista’ jiġi indikat fuq it-tikketta li l-inbid ikun ġie magħmul mill-għeneb minn dik il-muniċipalità.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

http://www.itacyl.es/opencms_wf/opencms/informacion_al_ciudadano/calidad_alimentaria/7_vinicos/index.html


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

5.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 438/8


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ AT.39398 — Visa MIF

(2018/C 438/03)

1.   Introduzzjoni

(1)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (1), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi – f’dawk il-każijiet fejn ikollha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni li tobbliga li ksur jinġieb fi tmiemu u l-partijiet ikkonċernati joffru li jidħlu għal irbit li jkun jissodisfa t-tħassib indikat lilhom mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni preliminari tagħha – li dan l-irbit isir vinkolanti fuq l-impriżi. Deċiżjoni bħal din tista’ tiġi adottata għal perjodu speċifiku u għandha tikkonkludi li ma hemmx aktar raġunijiet għal azzjoni mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 27(4) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika sommarju konċiż tal-każ u l-kontenut prinċipali tal-impenji. Il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom sal-limitu taż-żmien għal dan stabbilit mill-Kummissjoni.

2.   Sommarju tal-Każ

(2)

Fit-3 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni Supplimentari ta’ Oġġezzjonijiet (“DSO”) kontra Visa Inc. u Visa International Services Association. Id-DSO tissupplimenta iktar id-Dikjarazzjoni Supplimentari ta’ Oġġezzjonijiet tat-23 ta’ April 2013 u d-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet tat-3 ta’ April 2009, indirizzati lil Visa Inc., Visa International Service Association u Visa u Visa Europe Limited (2) (flimkien “Visa”).

(3)

Id-DSO tenfasizza l-fehma preliminari tal-Kummissjoni li Visa Inc. u Visa International Services Association kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE billi stabbilixxew regoli dwar tariffi multilaterali tal-interkambju (multilateral interchange fees - “MIFs”) li japplikaw għal tranżazzjonijiet interreġjonali b’kards ta’ debitu u ta’ kreditu tal-konsumatur maħruġa minn emittent (il-bank tad-detentur tal-kard) li jinsab barra ż-ŻEE fi ħwienet merkantili li jinsabu fiż-ŻEE. Dawn jinkludu tranżazzjonijiet ta’ “kard preżenti” (meta d-detentur tal-kard ikun preżenti, pereżempju f’ħanut) u “kard mhux preżenti” (meta d-detentur tal-kard ma jkunx preżenti, pereżempju meta n-numru tal-kard u d-dettalji ta’ awtentikazzjoni jingħataw permezz tal-Internet, bil-posta jew bit-telefown).

(4)

Id-DSO jirrimarka li r-regoli tal-viża jobbligaw lill-akkwirent (il-bank tan-negozjant) iħallas l-MIFs interreġjonali lill-emittent (il-bank tad-detentur tal-kard) għal kull tranżazzjoni interreġjonali f’xi ħanut merkantili fiż-ŻEE, kif ukoll li l-MIFs interreġjonali tal-Visa jammontaw għal deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE/l-Artikolu 53(1) ŻEE.

(5)

Kif imfisser fid-DSO, meta detentur ta’ kard juża kard għall-ħlas sabiex jixtri oġġetti jew servizzi mingħand negozjant, in-negozjant iħallas tariffa għas-servizz tan-negozjant lill-akkwirent tiegħu. L-akkwirent iżomm parti minn din it-tariffa (il-marġni tal-akkwirent), parti tingħadda lill-emittent (l-MIF) u parti tgħaddi għand l-operatur tal-iskema (f’dan il-każ Visa). Fid-DSO hemm imfisser ulterjorment li parti kbira mit-tariffa għas-servizz tan-negozjant hija ddeterminata mill-MIF. Madankollu, il-Kummissjoni kienet f’każijiet fil-passat aċċettat MIFs li jkunu konformi mal-hekk imsejjaħ Test tal-Indifferenza tan-Negozjant (Merchant Indifference Test - “MIT”) (3). Skont it-test, it-tariffa tal-interkambju ma għandhiex bħala medja teċċedi l-benefiċċji tranżazzjonali li n-negozjanti jieħdu meta jaċċettaw kards tal-ħlas. MIF bħal din tiżgura li n-negozjanti, bħala medja, ikunu indifferenti jekk jaċċettawx pagamenti bil-kard u mezzi oħra ta’ pagamenti, u toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni bejn strumenti alternattivi ta’ pagament.

3.   Il-Kontenut Prinċipali tal-Impenji Offruti

(6)

Visa Inc. u Visa International Services Association, bħala l-partijiet soġġetti għall-proċedimenti, ma jaqblux mal-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni. Madankollu huma offrew li jimpenjaw ruħhom b’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li jissodisfaw it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni. L-impenji huma spjegati fil-qosor hawn taħt u ppubblikati bl-Ingliż fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fuq:

http://ec.europa.eu/competition/index_en.html

(7)

Sitt xhur wara d-data li fiha Visa tirċievi avviż formali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, Visa timpenja ruħha li tillimita:

(a)

l-MIF ta’ Debitu Interreġjonali tagħha għal Tranżazzjonijiet ta’ Kard Preżenti (KP) Interreġjonali għal 0,2 %; kif ukoll

(b)

l-MIF ta’ Kreditu Interreġjonali tagħha għal Tranżazzjonijiet ta’ Kard Preżenti (KP) Interreġjonali għal 0,3 %; kif ukoll

(c)

l-MIF ta’ Debitu Interreġjonali tagħha għal Tranżazzjonijiet ta’ Kard Mhux Preżenti (KMP) Interreġjonali għal 1,15 %; kif ukoll

(d)

l-MIF ta’ Kreditu Interreġjonali tagħha għal Tranżazzjonijiet ta’ Kard Mhux Preżenti (KMP) Interreġjonali għal 1,5 %.

(8)

Dawn l-Impenji se jibqgħu fis-seħħ għal perjodu ta’ ħames snin u sitt xhur wara l-avviż tad-deċiżjoni ta’ impenn lil Visa.

(9)

F’mill-inqas 12-il ġurnata tax-xogħol wara l-avviż tad-deċiżjoni ta’ impenni, Visa tinnotifika li kull akkwirent ta’ tranżazzjonijiet interreġjonali ta’ Visa u titlob li kull akkwirent, min-naħa tiegħu, jinnotifika fil-pront lill-klijenti negozjanti rispettivi tagħhom li: i) l-Impenji ġew adottati u li ii) l-MIFs Interreġjonali se jkollhom limitu massimu għat-tranżazzjonijiet interreġjonali kollha fil-ġejjieni magħmula b’kards ta’ debitu u ta’ kreditu tal-Konsumatur għal kemm idumu l-Impenji. Barra minn dan, mhux aktar tard minn 12-il jum tax-xogħol wara n-notifika tad-deċiżjoni dwar l-impenni, Visa għandha wkoll tippubblika b’manjiera viżibbli b’mod ċar u li jkun faċilment aċċessibbli fuq is-sit web ta’ Visa Europe l-MIFs kollha interregġjonali ta’ Debitu u ta’ Kreditu applikabbli għat-tranżazzjonijiet interreġjonali KP u KMP.

(10)

Visa ma għandhiex tevadi jew tipprova tevadi dawn l-Impenji direttament jew indirettament b’xi att jew ommissjoni. B’mod partikolari, sa mill-avviż tad-deċiżjoni ta’ impenn, Visa tastjeni mill-prattiki kollha li għandhom l-għan jew l-effett ekwivalenti ta’ MIFs interreġjonali. Dan jinkludi speċifikament iżda mhux esklużivament l-implimentazzjoni ta’ programmi jew ta’ regoli ġodda li permezz tagħhom Visa titrasferixxi skemi jew tariffi oħra imposti fuq l-akkwirenti fiż-ŻEE lil emittenti mhux fiż-ŻEE.

(11)

Soġġetta għall-impenn tagħha ta’ non-evażjoni, Visa tista’ tadotta l-miżuri rilevanti għall-protezzjoni ta’ ħarsien tal-konsumatur biex il-konsumaturi ma jintlaqtux mill-effetti ta’ bidliet fl-MIFs interreġjonali tagħha b’mod partikolari rigward kwistjonijiet bħal frodi, konverżjoni tal-munita, rimborżi u ħlasijiet lura.

(12)

Visa għandha taħtar Fiduċjarju tal-Monitoraġġ biex jivverifika l-konformità ta’ Visa mal-Impenji tagħha. Qabel il-ħatra, il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tapprova jew li tirrifjuta l-Fiduċjarju propost.

(13)

L-investigazzjoni attwali tal-antitrust (Supra Taqsima 2) tibqa’ miftuħa fil-konfront ta’ Visa sakemm issir valutazzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni, li possibilment tinkludi kwalunkwe kummenti li jsiru b’reazzjoni għal dan l-Avviż.

4.   Stedina għall-Kummenti

(14)

Wara li jsir l-ittestjar tas-suq, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li fiha tiddikjara li l-Impenji mniżżla fil-qosor hawn fuq u ppubblikati fuq l-Internet, fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, bħala vinkolanti.

(15)

Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jippreżentaw l-kummenti tagħhom dwar l-Impenji proposti. Dawn il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. It-terzi persuni interessati huma wkoll mistiedna jippreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kummenti tagħhom, li fiha kull informazzjoni li jiddikjaraw li hija sigriet kummerċjali u jenħtieġ li informazzjoni kunfidenzjali oħra titħassar u tiġi ssostitwita kif xieraq b’sommarju mhux kunfidenzjali jew bil-kliem “sigrieti kummerċjali” jew “kunfidenzjali”.

(16)

Jenħtieġ li r-risposti u l-kummenti preferibbilment ikunu motivati u jenħtieġ li jippreżentaw il-fatti rilevanti. Jekk inti tidentifika problema fi kwalunkwe parti tal-Impenji proposti, il-Kummissjoni tistiednek ukoll biex tissuġġerixxi xi soluzzjoni possibbli.

(17)

Il-kummenti għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni bin-numru ta’ referenza AT.39398 — Visa MIF, jew permezz tal-email (COMP-GREFFE-ANTITRUST@ec.europa.eu), jew permezz tal-faks (+32 22950128) jew permezz tal-posta, fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Competition

Antitrust Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102, rispettivament, tat-TFUE. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ dan l-avviż, jenħtieġ li r-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 TFUE jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE fejn xieraq.

(2)  Fit-3 ta’ Ġunju 2016, l-Għaqda bejn Visa Inc. u Visa Europe kienet lesta u Visa Inc. akkwistat Visa Europe. B’konsegwenza ta’ dan, Visa Europe ma baqgħetx impriża separata. Għaldaqstant, kull referenza għal Visa Europe fit-test għandha tinqara li qed tirreferi għall-perjodu qabel it-3 ta’ Ġunju 2016.

(3)  Għal informazzjoni dwar it-Test tal-Indifferenza tan-Negozjant ara s-sommarju eżekuttiv tat-2015 Survey on the Cost of Cash and Card Processing tal-Kummissjoni, p. 3, li jinsab fuq http://ec.europa.eu/competition/sectors/financial_services/dgcomp_final_report_en.pdf


5.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 438/11


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ AT.40049 — Mastercard II

(2018/C 438/04)

1.   Introduzzjoni

(1)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (1), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi – f’dawk il-każijiet fejn ikollha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni li tobbliga li ksur jinġieb fi tmiemu u l-partijiet ikkonċernati joffru li jidħlu għal irbit li jkun jissodisfa t-tħassib indikat lilhom mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni preliminari tagħha – li dak l-irbit isir vinkolanti fuq l-impriżi. Deċiżjoni bħal din tista’ tiġi adottata għal perjodu speċifiku u għandha tikkonkludi li ma hemmx aktar raġunijiet għal azzjoni mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 27(4) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika sommarju konċiż tal-każ u l-kontenut prinċipali tal-impenji. Il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom sal-limitu taż-żmien għal dan stabbilit mill-Kummissjoni.

2.   Sommarju tal-Każ

(2)

Fid-9 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) kontra MasterCard Europe S.A.; MasterCard Incorporated u MasterCard International Incorporated (flimkien “Mastercard”).

(3)

Id-DO fissret il-fehma preliminari tal-Kummissjoni li r-regoli ta’ Mastercard dwar tariffi multilaterali tal-interkambju (multilateral interchange fees — “MIFs” (2)) li japplikaw għal tranżazzjonijiet interreġjonali b’kards ta’ debitu u ta’ kreditu tal-konsumatur maħruġa minn emittent (il-bank tad-detentur tal-kard) li jkun jinsab barra ż-ŻEE fi ħwienet merkantili li jkunu jinsabu fiż-ŻEE huma bi ksur tal-Artikolu 101 tat-TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Dawn jinkludu tranżazzjonijiet ta’ “kard preżenti” (meta d-detentur tal-kard ikun preżenti, pereżempju f’ħanut) u “kard mhux preżenti” (meta d-detentur tal-kard ma jkunx preżenti, pereżempju meta n-numru tal-kard u d-dettalji ta’ awtentikazzjoni jingħataw permezz tal-Internet, bil-posta jew bit-telefown).

(4)

Id-DO jinnota li r-regoli ta’ Mastercard jobbligaw lill-akkwirent (il-bank tan-negozjant) iħallas lill-emittent MIFs interreġjonali (il-bank tad-detentur tal-kard) għal kull tranżazzjoni interreġjonali f’ħanut fiż-ŻEE, u wkoll li l-MIFS interreġjonali ta’ Mastercard huma ekwivalenti għal deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE/l-Artikolu 53(1) ŻEE.

(5)

Kif imfisser fid-DO, meta detentur ta’ kard juża kard għall-ħlas biex jixtri oġġetti jew servizzi mingħand negozjant, in-negozjant iħallas tariffa għas-servizz tan-negozjant lill-akkwirent tiegħu. L-akkwirent iżomm parti minn din it-tariffa (il-marġni tal-akkwirent), parti tingħadda lill-emittent (l-MIF) u parti tgħaddi għand l-operatur tal-iskema (f’dan il-każ Mastercard). Id-DO tkompli tiddikjara li parti kbira mit-tariffa għas-servizz tan-negozjant hija ddeterminata mill-MIF. Madankollu, il-Kummissjoni kienet f’każijiet fil-passat aċċettat MIFs li jkunu konformi mal-hekk imsejjaħ Test tal-Indifferenza tan-Negozjant (Merchant Indifference Test - “MIT”) (3). Skont it-test, it-tariffa tal-interkambju ma għandhiex bħala medja teċċedi l-benefiċċji tranżazzjonali li n-negozjanti jieħdu meta jaċċettaw kards tal-ħlas. MIF bħal din tiżgura li n-negozjanti, bħala medja, jkunu indifferenti jekk jaċċettawx pagamenti bil-kard u mezzi oħra ta’ pagamenti, u toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni bejn strumenti alternattivi ta’ pagament.

3.   Il-Kontenut Prinċipali tal-Impenji Offruti

(6)

MasterCard Europe S.A.; MasterCard Incorporated u MasterCard International Incorporated, bħala l-partijiet soġġetti għall-proċedimenti, ma jaqblux mal-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni. Madankollu huma offrew li jimpenjaw ruħhom b’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li jissodisfaw it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni. L-impenji huma spjegati fil-qosor hawn taħt u ppubblikati bl-Ingliż fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fuq:

http://ec.europa.eu/competition/index_en.html

(7)

Sitt xhur wara d-data li fiha Mastercard tirċievi avviż formali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, Mastercard timpenja ruħha li tillimita:

(a)

id-Debitu IIF għal Tranżazzjonijiet ta’ Kard Preżenti (KP) Interreġjonali għal 0,2 %; kif ukoll

(b)

il-Kreditu IIF għal Tranżazzjonijiet ta’ Kard Preżenti (KP) Interreġjonali għal 0,3 %; kif ukoll

(c)

id-Debitu IIF għal Tranżazzjonijiet ta’ Kard Mhux Preżenti (KMP) Interreġjonali għal 1,15 %; kif ukoll

(d)

il-Kreditu IIF għal Tranżazzjonijiet ta’ Kard Mhux Preżenti (KMP) Interreġjonali għal 1,5 %.

(8)

Dawn l-Impenji se jibqgħu fis-seħħ għal perjodu ta’ ħames snin u sitt xhur wara l-avviż tad-deċiżjoni ta’ impenn lil Mastercard.

(9)

F’mill-inqas 12-il ġurnata tax-xogħol wara l-avviż tad-deċiżjoni ta’ impenn, Mastercard tinnotifika li kull akkwirent ta’ Tranżazzjonijiet Interreġjonali ta’ Mastercard u titlob li kull akkwirent, min-naħa tiegħu, jinnotifika fil-pront lill-klijenti negozjanti rispettivi tagħhom li: i) l-Impenji ġew adottati u li ii) l-IIFs jkollhom limitu massimu għat-tranżazzjonijiet interreġjonali kollha fil-ġejjieni magħmula b’kards ta’ debitu u ta’ kreditu tal-konsumatur għal kemm idumu l-Impenji. Ukoll mill-anqas fi żmien 12-il ġurnata ta’ xogħol wara n-notifika tad-deċiżjoni dwar l-impenji, Mastercard għandha ukoll tippubblika b’mod viżibbli u faċilment aċċessibbli fuq is-sit web Ewropew ta’ Mastercard l-IIFs kollha ta’ Debitu u Kreditu applikabbli għal tranżazzjonijiet interreġjonali ta’ PK u KMP.

(10)

Mastercard ma għandhiex tevadi jew tipprova tevadi dawn l-Impenji direttament jew indirettament b’xi att jew ommissjoni. B’mod partikolari, sa mill-avviż tad-deċiżjoni ta’ impenn, Mastercard tastjeni mill-prattiki kollha li għandhom l-għan jew l-effett ekwivalenti ta’ IIFs. Dan jinkludi speċifikament iżda mhux esklużivament l-implimentazzjoni ta’ programmi jew ta’ regoli ġodda li permezz tagħhom Mastercard tittrasferixxi skemi jew tariffi oħra imposti fuq l-akkwirenti fiż-ŻEE lil emittenti mhux fiż-ŻEE.

(11)

Soġġetta għall-impenn tagħha ta’ non-evażjoni, Mastercard tista’ tadotta l-miżuri rilevanti għall-protezzjoni ta’ ħarsien tal-konsumatur biex il-konsumaturi ma jintlaqtux mill-effetti ta’ bidliet fl-IIFs tagħha b’mod partikolari rigward kwistjonijiet bħal frodi, konverżjoni tal-munita, rimborżi u ħlasijiet lura.

(12)

Mastercard għandha taħtar Fiduċjarju tal-Monitoraġġ biex jivverifika l-konformità ta’ Mastercard mal-impenji tagħha. Qabel il-ħatra, il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tapprova jew li tirrifjuta l-Fiduċjarju propost.

(13)

L-investigazzjoni attwali tal-antitrust (Supra Taqsima 2) tibqa’ miftuħa fil-konfront ta’ Mastercard sakemm issir valutazzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni, li possibilment tinkludi kwalunkwe kummenti li jsir b’reazzjoni għal dan l-Avviż.

4.   Stedina għall-Kummenti

(14)

Wara li jsir l-ittestjar tas-suq, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li fiha tiddikjara li l-Impenji mniżżla fil-qosor hawn fuq u ppubblikati fuq l-Internet, fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, bħala vinkolanti.

(15)

Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-Impenji proposti. Dawn il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. It-terzi persuni interessati huma wkoll mistiedna jippreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kummenti tagħhom, li fiha kull informazzjoni li jiddikjaraw li hija sigriet kummerċjali u jenħtieġ li informazzjoni kunfidenzjali oħra titħassar u tiġi ssostitwita kif xieraq b’sommarju mhux kunfidenzjali jew bil-kliem “sigrieti kummerċjali” jew “kunfidenzjali”.

(16)

Jenħtieġ li r-risposti u l-kummenti preferibbilment ikunu motivati u jenħtieġ li jippreżentaw il-fatti rilevanti. Jekk inti tidentifika problema fi kwalunkwe parti tal-Impenji proposti, il-Kummissjoni tistiednek ukoll biex tissuġġerixxi xi soluzzjoni possibbli.

(17)

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bir-referenza AT.40049 — Mastercard II, jew permezz tal-email (COMP-GREFFE-ANTITRUST@ec.europa.eu), jew permezz tal-faks +32 22950128) jew permezz tal-posta, fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Competition

Antitrust Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102, rispettivament, tat-TFUE. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ dan l-avviż, jenħtieġ li r-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 TFUE jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE fejn xieraq.

(2)  Mastercard jiddefinixxi MIFs interreġjonali bħala t-tariffi għall-interkambju ffissati minn Mastercard li japplikaw, awtomatikament, għal tranżazzjonijiet interreġjonali b’kards ta’ kreditu u ta’ debitu (inter-regional transactions - IIFs)

(3)  Għal informazzjoni dwar it-Test tal-Indifferenza tan-Negozjant ara s-sommarju eżekuttiv tat-2015 Survey on the Cost of Cash and Card Processing tal-Kummissjoni, p. 3, li jinsab fuq http://ec.europa.eu/competition/sectors/financial_services/dgcomp_final_report_en.pdf.