ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 432

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
30 ta' Novembru 2018


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 432/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8689 — Rubis/Phillips 66/Zeller & Cie) ( 1 )

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 432/02

Rata tal-kambju tal-euro

2

2018/C 432/03

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ prodott imsemmi fl-Artiklu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-isem Lechazo de Castilla y León (IĠP)

3

 

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

2018/C 432/04

Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-pakkett leġiżlattiv Patt Ġdid għall-Konsumaturi

17


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 432/05

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Il-Każ M.9150 — China Reinsurance Group Corporation/Chaucer) — Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

22

2018/C 432/06

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.9222 — Ivanhoé/Oxford/JV) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

24


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

30.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 432/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8689 — Rubis/Phillips 66/Zeller & Cie)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 432/01)

Fil-21 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32017M8689. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

30.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 432/2


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Id-29 ta’ Novembru 2018

(2018/C 432/02)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1387

JPY

Yen Ġappuniż

128,99

DKK

Krona Daniża

7,4622

GBP

Lira Sterlina

0,89135

SEK

Krona Żvediża

10,3170

CHF

Frank Żvizzeru

1,1324

ISK

Krona Iżlandiża

142,30

NOK

Krona Norveġiża

9,7318

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,967

HUF

Forint Ungeriż

323,42

PLN

Zloty Pollakk

4,2916

RON

Leu Rumen

4,6531

TRY

Lira Turka

5,8747

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5525

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5117

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,9078

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6573

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5603

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 275,57

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

15,5182

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,9063

HRK

Kuna Kroata

7,4160

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 334,14

MYR

Ringgit Malażjan

4,7575

PHP

Peso Filippin

59,676

RUB

Rouble Russu

75,5420

THB

Baht Tajlandiż

37,503

BRL

Real Brażiljan

4,3867

MXN

Peso Messikan

23,0160

INR

Rupi Indjan

79,5370


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


30.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 432/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta’ Novembru 2018

dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ prodott imsemmi fl-Artiklu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-isem “Lechazo de Castilla y León” (IĠP)

(2018/C 432/03)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2)(a), flimkien mal-Artikolu 53(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Spanja bagħtet applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri, għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott “Lechazo de Castilla y León” (IĠP) skont l-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(2)

Skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Sabiex tiġi permessa l-preżentazzjoni ta’ avviżi ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri, għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (2), li jinkludi d-dokument uniku emendat u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott rilevanti għall-isem irreġistrat “Lechazo de Castilla y León” (IĠP), jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

DDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

L-applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri, għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014, li jinkludi d-dokument uniku emendat u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott rilevanti għall-isem irreġistrat “Lechazo de Castilla y León” (IĠP), jinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tagħti d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-emenda msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


ANNESS

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“Lechazo de Castilla y León”

Nru tal-UE: PGI-ES-02188 — 26.9.2016

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Isem:

Consejo Regulador de la Indicación Geográfica Protegida Lechazo de Castilla y León

Indirizz:

Ctra. La Aldehuela, No 23,

49029 Zamora

Zamora

ESPAÑA

Tel.

+34 980525340/616007356

Email:

info@lechazodecastillayleon.es

Il-grupp applikant jirrappreżenta l-interessi kollettivi tal-produtturi tal-“Lechazo de Castilla y León” u huwa parti interessata leġittima fl-applikazzjoni għal emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Lechazo de Castilla y León” u huwa wkoll responsabbli għall-ħarsien tagħha.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Spanja

3.   L-intestatura tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn (korp ta’ kontroll).

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-ispeċifikazzjoni ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma tistax titqies bħala emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

Emenda għall-ispeċifikazzjoni ta’ DOP jew IĠP irreġistrata, li għaliha ma ġiex ippubblikat dokument uniku (jew ekwivalenti), li ma tistax titqies bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

5.   Emendi

Emenda Nru 1

Deskrizzjoni tal-prodott: l-eliminazzjoni tar-rekwiżit ta’ kontroll tal-piż ħaj massimu tal-ħrief tal-ħalib fil-mument tal-qatla fil-biċċerija.

Din it-tneħħija tal-kejl tal-piż ħaj fil-mument tal-qatla fil-biċċerija qed tintalab minħabba li tirdoppja l-użin tal-karkassa, kejl diġà kkontrollat li huwa aktar preċiż u oġġettiv u limiegħu hemm korrelazzjoni diretta.

Bis-saħħa tal-kontroll tal-piż tal-karkassa u ż-żamma tar-rekwiżiti aktar importanti għad-determinazzjoni tal-kwalità tal-karkassa tal-ħrief tal-ħalib, bħat-tip ta’ għalf, il-kulur, il-konformazzjoni u s-simna, li kollha huma parametri fl-ispeċifikazzjoni tal-IĠP “Lechazo de Castilla y León”, il-prodott se jkompli jissodisfa l-kriterji ta’ kwalità stabbiliti għal-laħam tal-ħaruf tal-IĠP.

Barra minn hekk, ta’ min jinnota li l-proċess ta’ klassifikazzjoni u tikkettar tal-karkassi tal-IĠP “Lechazos de Castilla y León” jeħtieġ l-ispezzjoni ta’ kull karkassa. Jekk karkassa tkun barra mill-firxa ta’ piżijiet speċifikati fl-ispeċifikazzjoni, din tiġi miċħuda awtomatikament. Il-karkassi li l-piż tagħhom jikkonforma mal-ispeċifikazzjoni huma soġġetti għal spezzjoni tal-parametri l-oħra (konformazzjoni, kulur tal-laħam, kulur tax-xaħam estern, ammont ta’ xaħam tal-kliewi, preżenza tal-omentum, eċċ.).

Test li jitħassar

Piż ħaj fil-mument tal-qatla: minn 9 sa 12-il kg.

Emenda Nru 2

Deskrizzjoni tal-prodott: eliminazzjoni tal-kontroll tal-età tal-qatla tal-annimal.

It-terminu ħaruf tal-ħalib ifisser li l-ferħ tan-nagħġa għadu jieħu mill-ħalib tal-omm. B’hekk huwa direttament relatat mat-tip ta’ dieta u mhux mal-età. L’età hija konsegwenza ddeterminata mill-mument tal-ftim naturali.

Dan it-tħassir huwa maħsub biex jevita spezzjonijiet doppji minħabba li dan il-parametru huwa direttament relatat ma’ parametri oħra inklużi fl-ispeċifikazzjoni u li allura jiġu kkontrollati, bħall-piż tal-karkassa, il-kulur u l-grad tas-simna.

Qed jiġi propost li jitneħħa l-kontroll tal-età tal-qatla billi l-ispezzjoni individwali tal-karkassi tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti ta’ kwalità stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni.

Il-kriterji użati biex jiddefinixxu l-kwalità tal-karkassa ta’ dan it-tip ta’ annimali ta’ età żgħira u li huma mitmugħa biss bil-ħalib tal-omm huma primarjament il-kulur, is-simna u l-piż.

Il-piż tal-karkassa huwa marbut mill-qrib mal-età tal-qatla: aktar ma jkollu żmien l-annimal, aktar jiżdied il-piż tal-karkassa.

Il-kontrolli stabbiliti fl-ispeċifikazzjonihuma biżżejjed biex jiżguraw li l-annimal jiġi mitmugħ esklussivament bil-ħalib tal-omm sal-mument tal-qatla, li huwa element essenzjali li jagħti lill-prodott l-ispeċifiċità tiegħu. Barra minn hekk, jeżistu kontrolli biex jiżguraw li l-ħrief tal-ħalib jiġu mitmugħin esklussivament il-ħalib tal-omm:

reġistrazzjoni u kontrolli perjodiċi tal-irziezet li l-ħrief tagħhom huma mitmugħa esklussivament bil-ħalib tal-omm;

spezzjoni tal-kulur tal-karkassa, roża ċar jew abjad lewn il-perla (kulur li jirriżulta mill-għalf ibbażat fuq il-ħalib);

kontroll tax-xaħam estern, tal-omentum u tax-xaħam tal-kliewi (ta’ kulur abjad lewn ix-xemgħa, mill-inqas 50 % tal-wiċċ tal-kliewi miksi);

analiżi organolettika tal-prodott finali.

Il-proċess tal-klassifikazzjoni u t-tikkettar tal-karkassi tal-IĠP “Lechazos de Castilla y León” isir permezz tal-ispezzjoni individwali tal-karkassi, li matulha jiġu vverifikati l-parametri msemmija hawn fuq. Għaldaqstant, huwa l-kontroll tal-piż tal-karkassa, tal-kulur u tal-grad tas-simna tal-ħrief tal-ħalib li jiżgura li l-annimali ma jinqatlux wara l-età ta’ 35 jum u li jiġu mitmugħa bil-ħalib tal-omm. Annimal ippreżentat għall-klassifikazzjoni li jkollu iktar minn 35 jum u li jkun kiber b’mod normali u armonjuż ikollu piż tal-karkassa akbar mill-piż tal-karkassa massimu stabbilit u jiġi miċħud. Anke jekk dan l-annimal ikollu aktar minn 35 jum u l-karkassa tiegħu ma taqbiżx il-piż massimu stabbilit tal-karkassa (każ rari ħafna), din il-klassifikazzjoni tiġi miċħuda minħabba li l-annimal ma jkollux proporzjonijiet armonjużi, ma jkollux xaħam tal-kliewi u laħmu jkun aktar skur.

Għaldaqstant, huwa l-kontroll tal-piż tal-karkassa, tal-kulur u tal-grad tas-simna tal-ħrief tal-ħalib li jiżgura li l-annimali ma jinqatlux wara l-età ta’ 35 jum u li jiġu mitmugħa bil-ħalib tal-omm. Din l-emenda ma taffettwax il-metodu tal-produzzjoni u ma taffettwax il-kwalità tal-prodott finali.

Test li jitħassar

Età fil-mument tal-qatla: sa 35 jum.

Emenda Nru 3

Deskrizzjoni tal-prodott:

Il-kliem ta’ dan il-paragrafu nbidel biex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni bejn il-piż tal-karkassa u l-preżentazzjoni tal-prodott, u l-informazzjoni mogħtija fuq l-oriġini tal-espressjoni lokali “lechazo” (ħaruf tal-ħalib) ġiet estiża. Il-possibbiltà li l-prodott jiġi ppreżentat f’nofs karkassa u f’qatgħat primarji żdiedet wkoll fost il-forom ta’ preżentazzjoni tal-prodott, minħabba l-iżviluppi fid-drawwiet alimentari tal-konsumaturi, konsegwenza tal-bidliet soċjodemografiċi fil-popolazzjoni u li wasslu għal bidliet fil-mudelli ta’ konsum. Wieħed mill-mudelli li nbidel huwa d-domanda għall-prodotti tal-ikel f’formati iżgħar minħabba li l-familji ċkienu iżda mingħajr ma naqset il-kwalità ta’ dawn il-prodotti.

Il-kliem attwali fl-ispeċifikazzjoni:

Il-kelma “lechazo” tirreferi għaż-żgħir, raġel jew mara, ta’ nagħġa li għadu qed jitredda’. Dan it-terminu jintuża fir-reġjun tal-wied ta’ Duero.

In-nagħaġ adatti għall-produzzjoni tal-“Lechazos de Castilla y León” jappartjenu għar-razez li ġejjin:

Churra

Castellana

Ojalada

u l-uniku inkroċjar permess huwa bejn dawn ir-razez.

Il-ħaruf “Lechazo de Castilla y León” jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

ħaruf jew ħarufa

piż ħaj fil-qatla: minn 9 sa 12-il kg

età fil-mument tal-qatla: sa 35 jum.

Il-karkassi tal-kategoriji “extra” u “primera” msemmija fl-istandard tal-kwalità fis-seħħ u li għandhom il-karatteristiċi li ġejjin huma koperti mill-indikazzjoni ġeografika protetta “Lechazos de Castilla y León”:

il-piż tal-karkassa: żewġ preżentazzjonijiet possibbli:

(a)

bla ras, mingħajr ġewwieni u omentum: minn 4,5 sa 7 kg

(b)

bir-ras, il-ġewwieni u l-omentum: minn 5,5 sa 8 kg

karatteristiċi tax-xaħam: xaħam estern ta’ kulur abjad lewn ix-xemgħa. L-omentum jiksi l-karkassa. Mill-inqas nofs il-wiċċ tal-kliewi huwa miksi bix-xaħam.

Konformazzjoni: Profil rettilineari b’tendenza li jkun subkonvess.

Proporzjonijiet armonizzati.

Truf kemmxejn għat-tond.

Kulur tal-laħam: abjad lewn il-perla jew roża ċar.

karatteristiċi tal-laħam: laħam tari ħafna bi ftit xaħam fil-muskoli, immerraq sew u jinħass artab ħafna.

Il-ħrief jiġu mitmugħa esklussivament bil-ħalib tal-omm.

Għandu jiġi emendat kif ġej:

Il-prodott ġej mill-ferħ tan-nagħġa, ħaruf jew ħarufa, imwieled u mrobbi fit-territorju tal-komunità awtonoma ta’ Castilla y León, li jappartjeni għar-razez Churra, Castellana, Ojalada jew mill-inkroċjar bejn dawn ir-razez, mitmugħ esklussivament bil-ħalib tal-omm.

It-terminu “lechazo” (ħaruf tal-ħalib) huwa espressjoni lokali li ġejja mill-kelma “leche” (ħalib) u li tiddeskrivi l-ferħ tan-nagħġa, ħaruf jew ħarufa, li għadu jitredda’ minn ommu.

L-indikazzjoni ġeografika “Lechazo de Castilla y León” tkopri l-karkassi li jissodisfaw il-karatteristiċi li ġejjin:

il-piż tal-karkassa: bejn 4,5 u 7 kg. Jekk il-karkassa tiġi ppreżentata bir-ras u l-ġewwieni, dan il-piż jiżdied b’1 kg;

klassifikazzjoni tal-karkassa: kategorija A tal-ogħla kwalità, skont ir-regoli Ewropej fis-seħħ dwar il-klassifikazzjoni ta’ karkassi tan-nagħaġ;

preżentazzjonijiet: karkassa bir-ras u l-ġewwieni, karkassa mingħajr ras jew ġewwieni, nofs karkassa u qatgħat primarji;

konformazzjoni: profil rettilineari b’tendenza li jkun subkonvess, proporzjonijiet armonizzati u truf kemmxejn għat-tond;

karatteristiċi tax-xaħam: xaħam estern ta’ kulur abjad lewn ix-xemgħa. L-omentum jiksi l-karkassa. Mill-inqas nofs il-wiċċ tal-kliewi huwa miksi bix-xaħam;

kulur tal-laħam: abjad lewn il-perla jew roża ċar;

karatteristiċi tal-laħam: laħam tari ħafna bi ftit xaħam fil-muskoli, immerraq sew u jinħass artab ħafna.

Emenda Nru 4

Żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni, li qabel kienet limitata għal ċerti muniċipalitajiet iddominati mill-kultivazzjoni taċ-ċereali, hija estiża biex tinkludi l-Komunità awtonoma kollha ta’ Castilla y León. Din l-estensjoni hija bbażata fuq id-data dwar iż-żona taċ-ċereali li tidher fid-dikjarazzjoni tal-PAK ta’ dawn l-aħħar snin u li tikkorrispondi għall-muniċipalitajiet kollha ta’ din il-komunità, u dwar l-eżistenza storika ta’ rziezet tan-nagħaġ tar-razez indiġeni churra, castellana u ojalada fil-komunità kollha ta’ Castilla y León. L-analiżi ta’ din id-data turi li 94,57 % tal-muniċipalitajiet ta’ Castilla y León huma żoni taċ-ċereali - madankollu, fid-dawl tar-rabta stabbilita fl-ispeċifikazzjoni, li hija bbażata fuq il-binomju nagħaġ indiġenu/reġjun taċ-ċereali u tgħaqqad il-prodott finali mal-ġeografija tar-reġjun, huwa raġonevoli li ż-żona tal-produzzjoni tiġi estiża għall-komunità kollha ta’ Castilla y León, peress li n-numru ta’ muniċipalitajiet li jistgħu jiġu esklużi huwa negliġibbli.

Għalhekk il-produzzjoni hija permessa fil-periferija tar-reġjun, fejn wieħed isib ukoll mergħat naturali li għandhom rwol importanti fl-għalf tal-bhejjem.

Iż-żona ġeografika proposta għall-IĠP “Lechazo de Castilla y León” timplika żieda ta’ 36,443 km2 meta mqabbla mas-57,784 km2 inklużi fil-verżjoni tal-ispeċifikazzjoni rreġistrata bħalissa.

Il-kliem attwali fl-ispeċifikazzjoni,

Iż-żona ta’ produzzjoni: muniċipalitajiet ta’ Castilla y León li jikkoinċidu mad-distribuzzjoni naturali tar-razez Churras, Castellana u Ojalada (l-ispeċifikazzjoni tagħti lista tal-muniċipalitajiet inklużi fiż-żona ġeografika, li m’hemmx għalfejn tiġi ripetuta hawn).

Żona tal-qatlau tat-tirqim: Komunità ta’ Castilla y León.

Għandu jiġi emendat kif ġej:

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni, tal-qatlau tat-tirqim tal-ħrief tal-ħalib protetti tinkludi l-komunità awtonoma sħiħa ta’ Castilla y León.

Emenda Nru 5

Prova tal-oriġini:

Il-paragrafu ġie kompletament abbozzat mill-ġdid, l-aktar biex jinftiehem aħjar u biex jiġi adattat għar-regolamenti fis-seħħ.

Qed jiġu pprovduti xi kjarifiki rigward il-purezza tar-razza tal-annimali fl-irziezet u rigward l-għalf magħmul esklussivament mill-ħalib tal-omm tal-ħaruf tal-ħalib, biex jiġu żgurati wħud mill-elementi essenzjali li jagħtu lill-prodott l-ispeċifiċità tiegħu.

L-identifikazzjoni tal-annimali fir-razzett hija mmodifikata: l-ispeċifikazzjoni bħalissa ssemmi li l-annimali huma identifikati b’tikketta tal-widna mwaħħla mal-widna tax-xellug li turi żewġ ittri kapitali (marka ta’ identifikazzjoni tat-trobbija) segwiti min-numru tas-serje u d-data tat-twelid tal-annimal. Din l-identifikazzjoni mhix imsemmija fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ u timplika li l-annimal irid ikollu żewġ tikketti ma’ widintu.

Għalhekk l-identifikazzjoni tal-ħrief hija modifikata: din tista’ ssir qabel it-tluq mir-razzett u mhux fit-twelid kif indikat fl-ispeċifikazzjoni fis-seħħ, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ (Artikolu 4 (6) tar-Real Decreto 685/2013, de 16 de septiembre, por el que se establece un sistema de identificación y registro de los animales de las especies ovina y caprina) (Digriet Irjali 685/2013, tas-16 ta’ Settembru, li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ispeċi tan-nagħaġ u l-mogħoż).

Il-kliem il-ġdid jinkludi elementi ġodda relatati mal-kontroll tat-trasport tal-annimali, li huma importanti għall-benesseri tagħhom, u għall-karatteristiċi tal-laħam.

Is-subparagrafu li jsemmi l-klassifikazzjoni tal-karkassi mill-kumitat tħassar għax ma baqax koerenti mal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

Il-kontenut tal-materjal ta’ appoġġ fiżiku li jakkumpanja l-prodott waqt it-trasport m’għadux imsemmi peress li dan il-materjal ta’ appoġġ fiżiku huwa dettaljat fit-taqsima tat-tikkettar, u huwa speċifikat li din l-identifikazzjoni għandha ssir fil-biċċerija.

Żdiedu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014.

Żdiedu wkoll il-kontroll tal-produzzjoni, it-trasport u l-qatla tal-ħrief tal-ħalib, kif ukoll it-tirqim u l-klassifikazzjoni tal-karkassi.

L-ispezzjoni tal-prodott finali permezz ta’ analiżi organolettika f’laboratorju li għandu l-esperjenza, it-tagħmir, l-infrastruttura u l-persunal meħtieġa biex iwettaq dawn il-kompiti ukoll żdiedu f’dan il-paragrafu.

Ir-referenzi għall-kunsill regolatorju tneħħew biex ma jillimitawx il-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi.

Il-kliem attwali fl-ispeċifikazzjoni attwali:

Kontrolli u ċertifikazzjoni

Il-ħrief tal-ħalib adatti għall-produzzjoni tal-laħam protett mill-IĠP jiġu minn irziezet reġistrati.

Il-ħrief tal-ħalib protetti jridu jkunu twieldu u trabbew fl-irziezet tan-nagħaġ marbutin maż-żona tal-produzzjoni indikata fil-punt C.

Huma identifikati mat-twelid b’tikketta mwaħħla mal-widna tax-xellug li turi żewġ ittri kapitali (marka ta’ identifikazzjoni tat-trobbija) segwita min-numru tas-serje u d-data tat-twelid li jidhru fuq iċ-ċertifikat tat-twelid.

Il-qatla u t-tirqim isir f’biċċeriji u fi swali tat-tqattigħ u tal-ippakkjar irreġistrati fir-reġistru tal-irziezet tal-kunsill regolatorju.

Il-kunsill regolatorju, permezz tal-kumitat ta’ klassifikazzjoni tal-karkassi, jagħżel il-karkassi li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjoni ġeografika protetta fuq il-bażi tal-punt B). Dawn huma pprovduti b’tabella “Lechazo de Castilla y León” li tidentifika l-prodott protett.

Il-karkassi kollha tal-IĠP li jintbagħtu għall-bejgħ għandhom jiġu pprovduti b’dawn it-tabelli, li dejjem juru l-logo tal-kunsill regolatorju, id-data tal-qatla u numru ta’ identifikazzjoni, inkella ma jkunux jistgħu jinbiegħu.

Ikun xi jkun it-tip ta’ imballaġġ li fih il-partijiet jintbagħtu għall-bejgħ, huma jiġu pprovduti b’siġilli ta’ garanzija nnumerati maħruġa mill-kunsill regolatorju, applikati fir-razzett skont ir-regoli stabbiliti mill-kunsill regolatorju, u dejjem b’tali mod li ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw.

L-informazzjoni fuq it-tabelli, it-tikketti u l-elementi ta’ kontroll tal-kunsill regolatorju għandhom dejjem ikunu konsistenti.

Il-karkassi protetti mill-IĠP għandhom jiġu ttrasportati biss mill-istabbilimenti rreġistrati mill-kunsill regolatorju sabiex il-kwalità tagħhom ma tiġix affettwata u ma tagħmilx ħsara lir-reputazzjoni tal-IĠP.

Għandu jiġi emendat kif ġej:

L-irziezet tan-nagħaġ irreġistrati fir-reġistri uffiċjali rilevanti u li jistgħu jiggarantixxu l-purezza tar-razez tal-annimali tagħhom biss ikunu jistgħu jipproduċu ħrief koperti mill-IĠP.

L-irziezet għandhom ikunu jinstabu fiż-żona definita u l-ħrief tal-ħalib għandhom ikunu mwielda u mrobbija f’dawn l-irziezet, mingħajr għalf ieħor ħlief il-ħalib tal-omm.

Il-ħrief huma identifikati qabel ma joħorġu mir-razzett skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ u l-identifikazzjoni għandha wkoll il-logo tal-IĠP.

It-trasport tal-ħrief lejn il-biċċerija jsir f’vetturi awtorizzati kif xieraq, u l-annimali jridu jivvjaġġaw bid-dokumenti li jakkumpanjawhom.

Il-qatla, it-tirqim, it-tqattigħ, l-ippakkjar u d-distribuzzjoni tal-laħam protett isiru esklussivament fl-impjanti tal-operaturi rreġistrati fir-reġistri tal-awtorità ta’ kontroll.

Il-prodott mibgħut għall-bejgħ huwa identifikabbli f’kull mument u l-informazzjoni fuq it-tabelli, it-tikketti u elementi oħra ta’ kontroll għandhom ikunu konsistenti. L-identifikazzjoni ssir fil-biċċerija.

Il-laħam protett mill-IĠP għandu jiġi ttrasportat biss mill-operaturi rreġistrati sabiex il-kwalità tiegħu ma tiġix affettwata u ma tagħmilx ħsara lir-reputazzjoni tal-IĠP.

L-operaturi kollha għandhom ikunu kapaċi:

(a)

jidentifikaw il-fornitur, il-kwantità u l-oriġini tal-konsenji kollha tal-ħaruf li jaslulhom,

(b)

jidentifikaw lid-destinatarju, il-kwantità u d-destinazzjoni tal-karkassi ttikkettati,

(c)

jistabbilixxu r-rabta bejn kull konsenja ta’ ħrief ħajjin imsemmija fil-punt (a) u kull konsenja ta’ karkassi ttikkettati msemmija fil-punt (b).

Il-produzzjoni, it-trasport, il-qatla u t-tirqim tal-ħrief tal-ħalib u l-klassifikazzjoni tal-karkassi jiġu kkontrollati.

Il-kontroll tal-karatteristiċi organolettiċi tal-laħam isir permezz ta’ analiżi mwettqa f’laboratorju li għandu l-esperjenza, it-tagħmir, l-infrastruttura u l-persunal meħtieġ biex iwettaq dawn il-kompiti.

Emenda Nru 6

Metodu ta’ ksib:

Dan il-paragrafu għadda minn reviżjoni kbira: tneħħew il-partijiet diġà msemmija f’paragrafi oħra jew li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet jew għall-projibizzjonijiet imsemmija fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

Ir-referenza għat-trasport tal-annimali sal-biċċerija filgħodu ġiet eliminata minħabba li l-biċċeriji issa saru joperaw kontinwament.

Ir-referenza għall-qatla tal-annimali mhux aktar minn 10 sigħat wara d-dħul tagħhom fil-biċċerija tħassret u ġiet sostitwita b’referenza għal-limiti taż-żmien stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

Fl-aħħarnett, il-paragrafu issa jindika t-temperatura li fiha l-laħam għandu jinżamm, skont il-limiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ għal dan it-tip ta’ prodott, u jipprovdi li l-bejgħ tal-karkassi ttikkettati jista’ jseħħ aktar minn tmint ijiem wara l-qatla meta dawn jiġu ppakkjati f’kundizzjonijiet li jestendu l-iskadenza tagħhom.

Ir-referenzi għall-awtorizzazzjoni mogħtija jew għall-kontroll li jsir mill-kunsill regolatorju tneħħew ukoll biex ma jillimitawx il-moviment liberu tal-oġġetti u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

Il-kliem attwali fl-ispeċifikazzjoni attwali:

Il-karkassi protetti mill-IĠP jiġu minn ħrief tal-ħalib tar-razez indikati fil-punt B) u mill-inkroċjar tar-razez tagħhom u li jiġu mitmugħa esklussivament mill-ħalib tal-omm.

Il-kunsill regolatorju jista’ jistabbilixxi standards obbligatorji għat-trobbija u l-immaniġġjar tal-bhejjem u rigward il-kwalità tal-għalf tal-ommijiet.

Taħt l-ebda ċirkostanza n-nagħaġ ma jistgħu jirċievu promoturi tat-tkabbir jew prodotti simili oħra.

Iż-żona tal-qatla u tat-tirqim tal-karkassi tikkorrispondi għall-komunità awtonoma ta’ Castilla y León.

L-annimali huma ttrasportati lejn il-biċċerija f’vetturi awtorizzati kif xieraq, u jiġi żgurat li l-annimali ma jweġġgħux u ma jkunux skomdi b’tali mod li jaffettwa l-istat jew l-integrità fiżika tagħhom.

L-annimali m’għandhomx jinqabdu mill-ġilda, jaqilgħu daqqiet u jiġu marsusa matul it-trasport. It-trasport isir filgħodu, preferibbilment kmieni, biex jiġu evitati vjaġġi twal.

Jekk in-nagħaġ intiżi biex jiġu protetti mill-IĠP ikunu jinsabu f’żona ta’ ġbir fl-istess ħin ta’ nagħaġ oħrajn, għandhom jiġu ttrasportati f’gaġeġ separati fil-vettura u pparkjati f’żoni separati matul il-perjodu tal-mistrieħ.

Dan għandu jkun kemm jista’ jkun qasir u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi stabbilit bi ftehim mas-servizzi tekniċi tal-kunsill regolatorju.

L-annimali kollha maħsuba biex jiġu koperti mill-IĠP jinqatlu dakinhar li jidħlu fil-biċċerija u dejjem fi żmien 10 sigħat.

Huma jinqatlu separatament mill-annimali oħra.

Il-qatla u/jew l-immaniġġjar tal-annimali li l-karkassi tagħhom x’aktarx ikunu protetti mill-IĠP għandhom iseħħu fl-irziezet irreġistrati apposta għal dan il-għan fir-reġistri korrispondenti u awtorizzati skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ għas-suq nazzjonali u tal-UE.

Fil-każijiet kollha, it-tneħħija tar-ras issir mill-ġog atlanto-oċċipitali.

It-tqattir tal-karkassi jsir fi kmamar tat-tkessiħ f’temperatura ta’ 4 °C sal-għada tal-qatla. Imbagħad il-karkassi jridu jinħażnu fi friġis f’temperatura ta’ 1 °C għal massimu ta’ 5 ijiem.

Il-perjodu tal-bejgħ ma jistax jaqbeż it-tmint ijiem mill-qatla.

Għandu jiġi emendat kif ġej:

Il-ħrief tal-ħalib għandhom jitwieldu u jitrabbew fl-irziezet tan-nagħaġ irreġistrati u ma jistgħux jinħarġu qabel ma jiġu kkummerċjalizzati.

Il-ħrief tal-ħalib jiġu mitmugħa esklussivament il-ħalib tal-omm.

It-tul taż-żmien tat-trasport tal-ħrief lejn il-biċċerija huwa konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ jew mal-istandard li jissostitwiha.

Jekk in-nagħaġ intiżi biex jiġu protetti mill-IĠP ikunu jinsabu f’żona ta’ ġbir fl-istess ħin ta’ nagħaġ oħrajn, għandhom jiġu ttrasportati b’mod li ż-żewġ gruppi ma jitħalltux.

L-annimali kollha protetti mill-IĠP jiġu mbiċċra fil-perjodu stabbilit mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ u separatament mill-annimali oħra.

Il-qatla, it-tirqim u/jew it-tqattigħ tal-annimali iseħħu fi stabbilimenti irreġistrati kif xieraq għal dan il-għan fir-reġistri korrispondenti.

Fejn ikun meħtieġ, it-tneħħija tar-ras issir mill-ġog atlanto-oċċipitali.

Wara l-qatla, il-karkassi jitqiegħdu fi friġis fil-biċċerija f’temperatura ta’ bejn 1 sa 7 °C sakemm jinbiegħu.

Il-perjodu tal-bejgħ tal-laħam, skont dawn l-ispeċifikazzjoni, huwa sa tmint ijiem wara l-qatla. Jekk il-laħam jitqiegħed fis-suq ippakkjat jew miżmum f’kundizzjonijiet li jestendu l-perjodu ta’ skadenza tagħhom, il-perjodu tal-bejgħ jista’ jkun itwal, sakemm il-karatteristiċi deskritti fil-paragrafu “Deskrizzjoni tal-prodott” ma jinbidlux.

Emenda Nru 7

Tikkettar:

Dan il-paragrafu jiddeskrivi l-kontenut minimu li għandu jidher fuq it-tikketti, billi jżid il-logo l-ġdid tal-IĠP “Lechazo de Castilla y León” mis-sena 2011 u jħassar ir-referenzi għall-awtorizzazzjoni jew għall-ispezzjonijiet imwettqa mill-kunsill regolatorju biex ma jillimitax il-moviment liberu tal-oġġetti u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

Il-kliem attwali fl-ispeċifikazzjoni attwali:

Il-karkassi kollha tal-“Lechazo de Castilla y León” li jintbagħtu għall-bejgħ għandhom jiġu pprovduti b’tabella, li dejjem ikollha l-logo tal-kunsill regolatorju, id-data tal-qatla u numru ta’ identifikazzjoni, inkella ma jistgħux jinbiegħu bħala tali.

Ikun xi jkun it-tip ta’ imballaġġ li fih il-partijiet jintbagħtu għall-bejgħ, huma jiġu pprovduti b’tabelli ta’ garanzija nnumerati, maħruġa mill-kunsill regolatorju, u mwaħħla b’tali mod li ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw.

It-tikketti li bihom jinbiegħ il-ħaruf “Lechazo de Castilla y León” iridu jiġu approvati minn qabel mill-kunsill regolatorju.

Għandu jiġi emendat kif ġej:

Il-karkassi kollha u/jew il-pakketti kollha li jintbagħtu għall-bejgħ taħt l-IĠP “Lechazo de Castilla y León” irid ikollhom bilfors tabella ta’ garanzija li tindika mill-inqas il-logo tad-denominazzjoni, id-data tal-qatla u n-numru ta’ identifikazzjoni u li titwaħħal b’tali mod li ma tistax terġa’ tintuża.

Dan huwa l-logo tal-isem:

Image

Emenda Nru 8

Awtorità ta’ kontroll:

L-awtorità ta’ kontroll attwali kompetenti hija l-“Instituto Tecnológico Agrario de Castilla y León”, (Istitut Teknoloġiku Agrikolu ta’ Castilla y León).

Il-kliem attwali fl-ispeċifikazzjoni attwali:

Kostituzzjoni:

Huwa l-kunsill regolatorju, korp professjonali magħmul minn rappreżentanti tas-settur tal-produzzjoni, li jrid iwettaq il-kontrolli tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Lechazo de Castilla y León”.

Dan huwa magħmul minn:

President,

Viċi President,

5 rappreżentanti tas-settur tat-trobbija tal-bhejjem,

5 rappreżentanti tas-settur industrijali,

membru tekniku li jirrappreżenta lill-amministrazzjoni.

Il-mandat tal-membri jiġġedded kull erba’ snin f’elezzjonijiet demokratiċi.

Qasam ta’ kompetenza:

(a)

f’materji territorjali: iż-żoni ta’ produzzjoni u tħejjija;

(b)

fir-rigward tal-produtturi: prodotti koperti mill-IĠP fl-istadji kollha tal-produzzjoni, it-tħejjija, it-trasport u l-bejgħ;

(c)

fir-rigward tal-persuni: dawk elenkati fir-reġistri differenti.

Funzjonijiet/Rwoli:

l-iżvilupp u l-kontroll tar-reġistri differenti,

il-gwida, is-sorveljanza u l-kontroll tal-produzzjoni, l-ippakkjar u l-kwalità tal-laħam protett. L-attivitajiet ta’ kontroll u ta’ sorveljanza jsiru minn spetturi awtorizzati mill-amministrazzjoni korrispondenti, li jaġixxu b’mod imparzjali fir-rigward tal-produtturi u tal-proċessuri,

il-klassifikazzjoni tal-prodott,

il-promozzjoni u l-appoġġ tal-indikazzjoni ġeografika protetta

it-teħid ta’ azzjoni b’responsabbiltà sħiħa u b’kapaċità legali għad-dħul f’obbligi u għad-deher fil-qorti, biex jibda l-azzjonijiet li jaqgħu taħt il-missjoni ta’ rappreżentanza u ta’ difiża tal-interessi ġenerali tad-denominazzjoni speċifika.

Għandu jiġi emendat kif ġej:

Instituto Tecnológico Agrario de Castilla y León

Ctra. de Burgos Km 119. Finca Zamadueñas

47071 Valladolid

Valladolid

ESPAÑA

Tel. +34 983412034

Faks + 34 983412040

Email: controloficial@itacyl.es

L-Instituto Tecnológico Agrario de Castilla y León (Istitut Teknoloġiku Agrikolu ta’ Castilla y León), permezz tas-Subdirettorat għall-kwalità u l-promozzjoni tal-ikel, huwa l-awtorità kompetenti li twettaq il-funzjonijiet tal-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjoni u tal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-pieni stabbiliti fil-liġi 1/2014 tad-19 ta’ Marzu, Agraria de Castilla y León.

DOKUMENT UNIKU

“Lechazo de Castilla y León”

Nru tal-UE: PGI-ES-02188 — 26.9.2016

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Lechazo de Castilla y León”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.1 Laħam frisk (u l-ġewwieni)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt (1)

Il-prodott ġej mill-ferħ tan-nagħġa, ħaruf jew ħarufa, imwieled u mrobbi fit-territorju tal-komunità awtonoma ta’ Castilla y León, li jappartjeni għar-razez Churra, Castellana, Ojalada jew mill-inkroċjar bejn dawn ir-razez, mitmugħ esklussivament bil-ħalib tal-omm.

L-indikazzjoni ġeografika “Lechazo de Castilla y León” tkopri l-karkassi li jissodisfaw il-karatteristiċi li ġejjin:

il-piż tal-karkassa: bejn 4,5 u 7 kg. Jekk il-karkassa tiġi ppreżentata bir-ras u l-ġewwieni, dan il-piż jiżdied b’1 kg;

klassifikazzjoni tal-karkassa: kategorija A tal-ogħla kwalità, skont ir-regoli Ewropej fis-seħħ dwar il-klassifikazzjoni ta’ karkassi tan-nagħaġ;

preżentazzjonijiet: karkassa bir-ras u l-ġewwieni, karkassa mingħajr ras jew ġewwieni, nofs karkassa u qatgħat primarji;

Konformazzjoni: profil rettilineari b’tendenza li jkun subkonvess, proporzjonijiet armonizzati u truf kemmxejn għat-tond;

karatteristiċi tax-xaħam: xaħam estern ta’ kulur abjad lewn ix-xemgħa. L-omentum jiksi l-karkassa. Il-kliewi huma miksija b’xaħam fuq mill-inqas nofs il-wiċċ tagħhom.

kulur tal-laħam: abjad lewn il-perla jew roża ċar;

karatteristiċi tal-laħam: laħam tari ħafna bi ftit xaħam fil-muskoli, immerraq sew u jinħass artab ħafna.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

L-għalf tal-ommijiet isir fil-mergħa biex jittieħed vantaġġ mill-qasbijiet u l-mergħat naturali taż-żona identifikata, fis-sajf, bejn il-ġbir taċ-ċereali u l-ħrit tal-art fil-bidu tal-ħarifa.

Mill-bidu tar-rebbiegħa sal-bidu tax-xitwa, huma l-mergħat naturali l-oħra li fihom tikber il-veġetazzjoni tal-komunità awtonoma ta’ Castilla y León, li jintużaw għall-għalf tan-nagħaġ.

Meta jieqaf jikber il-ħaxix fix-xitwa u matul il-perjodi fejn ikun meħtieġ aktar għalf (twelid u treddigħ), kif ukoll matul perjodi ta’ nuqqas ta’ ikel minħabba kundizzjonijiet klimatiċi avversi, id-dieta bażika tista’ tiġi supplimentata bi provvista magħmula minn ċereali, legumi u foraġġ, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Unjoni.

L-annimali intiżi għall-protezzjoni tal-IĠP jibqgħu mal-ommijiet tagħhom u jixorbu biss il-ħalib ta’ ommhom sal-mument tal-qatla.

3.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-annimali jitwieldu u jitrabbew, jinqatlu u jiġu ppreparati fiż-żona ġeografika indikata.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih tirreferi d-denominazzjoni

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-karkassi kollha u/jew il-pakketti kollha li jintbagħtu għall-bejgħ taħt l-IĠP “Lechazo de Castilla y León” irid ikollhom bilfors tabella ta’ garanzija li tindika mill-inqas il-logo tad-denominazzjoni, id-data tal-qatla u n-numru ta’ identifikazzjoni u li titwaħħal b’tali mod li ma tistax terġa’ tintuża.

Dan huwa l-logo tad-denominazzjoni:

Image

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika indikata tinkludi t-territorju kollu tal-komunità awtonoma ta’ Castilla y León.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta bejn iż-żona ġeografika u l-prodott “Lechazo de Castilla y León” hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tal-isem u l-metodu ta’ produzzjoni tradizzjonali, li skontha l-annimal jiġi mitmugħ esklussivament bil-ħalib tal-omm, li, flimkien mal-użu tar-razez Churra, Castellana u Ojalada, jagħti lil-laħam karatteristiċi speċifiċi.

Iż-żona ta’ produzzjoni ta’ nagħaġ li jappartjenu għat-tliet razez indiġeni, churra, castellana u ojalada, maħsuba għall-produzzjoni ta’ karkassi protetti mill-IĠP, tkopri ż-żona kollha ta’ Castilla y León. Dan ir-reġjun huwa kkaratterizzat minn xitwa ħarxa u twila bi ċpar oħxon u frekwenti u bi ġlata bikrija li ddum, u sjuf qosra u irregolari, li matulhom jalternaw perjodi ta’ kesħa u oħrajn ta’ sħan u nexfin. Ftit tagħmel xita fil-biċċa l-kbira tal-pjanuri u hemm differenzi kbar bejn l-uniformità relattiva tal-pjanuri u l-kuntrasti klimatiċi li jikkaratterizzaw iż-żoni muntanjużi.

Castilla y León huwa reġjun Spanjol li l-agrikoltura tiegħu hija essenzjalment taċ-ċereali u li m’għandux possibbiltajiet kbar li jbiddel l-orjentazzjoni produttiva tiegħu minħabba l-limiti infrastrutturali tiegħu. Mis-superfiċje totali taż-żona indikata, 66,5 % hija magħmula minn pjanuri li jinsabu fiċ-ċentru tal-komunità, fl-għoli, u prinċipalment iddedikati għall-kultivazzjoni taċ-ċereali. Iż-żona periferika, b’altitudni ogħla u fejn l-ammont ta’ xita huwa ogħla, fiha wkoll meded ta’ ċereali (qasbijiet) u mergħat naturali. Dawn jikkonsistu fi ħxejjex li jikbru waħedhom fl-art mistrieħa jew mhux maħduma u f’riżorsi tal-ikel li joffru l-ispeċi varji ta’ arbuxelli bħal ħaxixet il-mikinsa jew erikaċi, speċijiet ta’ cystisus (Cistus ladeniferus u laurifolius), li huma l-ispeċi dominanti fil-makkja tal-biċċa l-kbira tar-reġjun, kif ukoll il-labiatae u l-legumi (Genista falcata, Cystisus, ġinestrun), is-sagħtar u pjanti oħra karatteristiċi bħall-bucranium (Ononis tridentata). Fil-mergħat vasti subalpini, hemm il-preżenza dominanti ta’ nardum (Nardus stricta) u żwien (Festuca).

It-topografija u l-klima kkundizzjonaw l-iżvilupp tas-settur agrarju, kemm minħabba l-limitazzjonijiet li imponew kif ukoll il-possibbiltajiet li offrew f’termini ta’ produzzjoni. Il-varjazzjonijiet fit-temperatura illimitaw l-għażla ta’ uċuħ li jeħtieġu temperaturi baxxi (ċereali, qamħirrum, ġirasol, nifel, eċċ.) u n-nuqqas ta’ ilma fis-sajf minħabba li tonqos ix-xita matul ix-xhur tas-sajf wassal għal dipendenza fuq it-tisqija. B’hekk, f’ħafna żoni, il-kultivazzjoni taċ-ċereali kienet l-unika għażla ta’ produzzjoni għall-bdiewa fid-dawl tal-kundizzjonijiet ambjentali u t-trobbija tan-nagħaġ, l-aħjar għodda biex jiġu sfruttati l-qasbijiet u l-mergħat naturali temporanji mhux irrigati, bir-razez churras, castellanas u ojaladas ikunu l-aktar adattati għal dawn il-kundizzjonijiet minħabba r-reżistenza kbira tagħhom.

L-iskarsezza ta’ mergħat naturali abbundanti u distribwiti tajjeb matul is-sena għall-għalf u l-produzzjoni regolari ta’ ħrief mitmugħa sew wasslet biex il-merħliet ikunu aktar maħsuba għall-produzzjoni tal-ħalib, u l-ħrief, b’hekk, kienu jinqatlu ta’ età żgħira ħafna.

Il-pitturi fil-grotti li jinsabu fil-komun Salmantine de Las Batuecas u li jmorru lura għaż-żmien tal-invażjoni Ċeltika huma l-evidenza l-aktar antika tal-eżistenza u tat-trobbija tan-nagħaġ f’dik li llum hija Castilla y León. Iżda l-irziezet kollha raw żvilupp qawwi bis-saħħa tal-importanza ta’ Honrado Concejo de la Mesta de Pastores (assoċjazzjoni ta’ raħħala nomadi) rikonoxxuta minn Alphonse X Le Sage bħala “grupp ta’ raħħala li kienu jippjanaw id-distribuzzjoni tal-mergħat naturali, il-kalendarju tal-użu tar-riżorsi naturali, eċċ.”.

Il-karatteristiċi fiżiċi taż-żona u l-fatturi naturali u umani tal-komunità ta’ Castilla y León iffurmaw sistema tradizzjonali ta’ produzzjoni permezz ta’ trobbija tal-bhejjem estensiva u semi-intensiva, li hija kkaratterizzata mill-użu ta’ mergħat naturali u riżorsi naturali, minn razzett tan-nagħaġ fejn jitrabbew l-annimali għar-riproduzzjoni b’sistema mħallta ta’ żmien fl-imqawel u żmien fil-mergħat naturali, u bl-għalf esklussiv tal-ħrief bil-ħalib tal-omm. Ir-razez indiġeni ta’ churras, castellanas, ojalada u slaleb tagħhom huma l-aktar adattati għal din is-sistema produttiva u jagħtu prodott ta’ kwalità eċċellenti, li huwa kkaratterizzat minn laħam abjad ħafna u tari u li fih ftit xaħam intramuskolari minħabba li l-ħrief jitħallew jieħdu biss il-ħalib tal-omm.

Is-sistema ta’ produzzjoni u l-età bikrija tal-qatla ġew iddeterminati skont il-limitazzjonijiet ambjentali lokali, il-karatteristiċi tar-razez użati, li huma żgħar, u tradizzjonijiet tat-trobbija tal-bhejjem stabbiliti sew fir-reġjun. L-età u l-piż tal-ħaruf fil-mument tal-qatla min-naħa tagħhom jaffettwaw is-simna u l-konsistenza tax-xaħam, kif ukoll il-kulur u t-togħma u l-aroma tal-laħam.

Il-qatla f’età bikrija u l-għalf bil-ħalib tal-omm jagħtu lil-laħam tal-ħaruf tal-ħalib “Lechazo de Castilla y León” kulur karatteristiku abjad lewn il-perla jew roża ċar. Il-konsistenza tarija u t-togħma tipika tal-laħam huma dovuti għall-piż baxx tal-ħrief fil-ħin tal-qatla u għall-għalf bil-ħalib tal-omm, żewġ fatturi li jagħmlu l-kollaġen ta’ dawn il-laħmijiet inqas stabbli waqt it-tisjir u b’hekk, aktar tarija.

Il-karkassi tal-ħaruf tal-ħalib ukoll għandhom proporzjon għoli ta’ għadam meta mqabbel mal-muskolu minħabba li l-annimali jkunu żgħar ħafna u l-muskoli tagħhom ma jilħqux jikbru; dan jispjega wkoll l-infiltrazzjoni baxxa ta’ xaħam intramuskolari.

Għalkemm jinqatel f’età bikrija, il-ħaruf “Lechazo de Castilla y León” għandu grad relattivament għoli ta’ simna interna u esterna. Dan huwa dovut għall-konsum tal-ħalib “ad limitum” li jipprovdi eċċess ta’ enerġija li, ikkombinat mal-fatt li dawn ir-razez jibqgħu żgħar, jakkumula bħala xaħam. Il-preżenza ta’ xaħmijiet fuq mill-inqas nofs il-wiċċ tal-kliewi tal-ħrief hija prova tal-għalf esklussiv mill-ħalib tal-omm. Dan ix-xaħam estern, ta’ kulur abjad lewn ix-xemgħa, jagħti lill-laħam aroma pjuttost tipika.

Il-ħrief tal-ħalib “Lechazo de Castilla y León” jissodisfaw id-domanda qawwija tal-konsumaturi għal karkassi ħfief ħafna, li għandhom simna baxxa u laħam ta’ kulur ċar, li jippermettilhom li jiġu kkummerċjalizzati bi prezzijiet għoljin.

Il-ħaruf mixwi b’mod tradizzjonali ilu platt popolari fil-gastronomija ta’ Castilla y León għal sekli twal. Għal sekli sħaħ, kien l-aħjar mod biex wieħed jiċċelebra xi okkażjoni mal-ħbieb jew mal-familja.

Il-ħaruf tal-ħalib huwa wkoll preżenti fil-kotba tat-tisjir [Secretos de los Chefs: técnicas y trucos de 50 estrellas Michelín (Sigrieti tal-Koki: pariri u tekniki ta’ 50 stilla Michelin), minn Bon Vivant, 2008, daħla ta’ Ferran Adriá) u fir-rivisti gastronomiċi (De Origen, Carnicas 2000, Eurocarne, Siburitas, Argi, la guía de Turismo gastronomito de España 2009 de Anaya, eċċ.) u fil-Manwal Gastronomiku tal-ħaruf mixwi ppubblikat mill-assoċjazzjoni tal-koki tal-ħrief tal-ħalib f’Castilla y León.

Hemm ukoll referenzi għall-kwalità tiegħu fl-istudji, bħal dak li sar fil-fakultà veterinarja tal-Università ta’ Zaragoza bl-isem “Identifikazzjoni u Adegwatezza tal-Kwalità u tal-Kompożizzjoni tal-Laħam ta’ Tipi Differenti ta’ Nagħaġ Ewropej. Adattament għall-Preferenzi tal-Konsumaturi”, li juri li l-ħaruf tal-ħalib huwa l-favorit tal-konsumaturi.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://www.itacyl.es/opencms_wf/opencms/system/modules/es.jcyl.ita.extranet/elements/galleries/galeria_downloads/registros/2017_05_10_Pliego_Lechazo_I_G_P.pdf


Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

30.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 432/17


Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-pakkett leġiżlattiv “Patt Ġdid għall-Konsumaturi”

(It-test sħiħ ta' din l-Opinjoni jista' jinstab bl-EN, bil-FR u bil-DE fuq is-sit web tal-KEPD www.edps.europa.eu)

(2018/C 432/04)

Din l-Opinjoni tiddeskrivi l-pożizzjoni tal-KEPD dwar il-pakkett leġiżlattiv intitolat: “Patt Ġdid għall-Konsumaturi” li hu magħmul mill-Proposta għal Direttiva dwar l-infurzar aħjar u l-immodernizzar tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur tal-UE u l-Proposta għal Direttiva dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi.

Il-KEPD jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timmodernizza r-regoli eżistenti f'qasam li l-għanijiet tiegħu huma allinjati mill-qrib ma' dawk tal-qafas dwar il-protezzjoni tad-data li ġie mmodernizzat dan l-aħħar. Huwa jagħraf il-ħtieġa li jimtela l-vojt fl-acquis attwali tal-konsumaturi sabiex iwieġeb għall-isfida ppreżentata minn mudelli ta' negozju predominanti għas-servizzi diġitali li jiddependu fuq il-ġbir massiv u l-monetizzazzjoni ta' data personali kif ukoll fuq il-manipulazzjoni tal-attenzjoni tan-nies permezz ta' kontenut fil-mira. Din hija opportunità unika sabiex titjieb il-liġi dwar il-konsumatur sabiex isir rimedju għall-iżbilanċ li qed jikber u l-inġustizzja bejn individwi u kumpaniji b'saħħithom fis-swieq diġitali.

B'mod partikolari, il-KEPD jappoġġja l-għan li jiġi estiż l-ambitu tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) sabiex il-konsumaturi, li jirċievu servizzi mingħajr ħlas, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-qafas ta' protezzjoni previst b'din id-Direttiva, peress li dan jirrifletti r-realtà u l-ħtiġijiet ekonomiċi tal-lum.

Il-Proposta tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni tal-KEPD 4/2017 u tevita milli tuża t-terminu “kontro-prestazzjoni” jew li tagħmel distinzjoni bejn data li tiġi pprovduta b'mod “attiv” jew “passiv” mill-konsumaturi lill-fornituri tal-kontenut diġitali. Madankollu, il-KEPD jinnota bi tħassib li d-definizzjonijiet previsti bil-Proposta jistgħu jintroduċu l-kunċett ta' kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali jew servizz diġitali li għalih il-konsumaturi jistgħu “jħallsu” bid-data personali tagħhom, minflok iħallsu bil-flus. Dan l-approċċ ġdid ma jsolvix il-problemi kkawżati bl-użu tat-terminu “kontro-prestazzjoni” jew billi ssir analoġija bejn il-forniment ta' data personali u l-pagament ta' prezz. B'mod partikolari, dan l-approċċ ma jikkunsidrax biżżejjed in-natura tad-drittijiet fundamentali tal-protezzjoni tad-data, għaliex hu jqis id-data personali bħala sempliċi ass ekonomiku.

Il-GDPR diġà stabbilixxa bilanċ rigward iċ-ċirkostanzi li fihom l-ipproċessar tad-data personali jista' jsir fis-suq diġitali. Il-Proposta għandha tevita milli tippromwovi metodi li jkunu jistgħu jiġu interpretati b'mod inkonsistenti mal-impenn tal-UE sabiex tipproteġi b'mod sħiħ id-data personali kif stabbilit fil-GDPR. Sabiex tiġi pprovduta protezzjoni wiesgħa tal-konsumatur mingħajr riskju li jiġu mminati l-prinċipji tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data, jista' jiġi previst approċċ alternattiv, bħal pereżempju fuq il-bażi ta' definizzjoni ta' “servizz” mid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, id-dispożizzjoni li tiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-GDPR jew l-Artikolu 3(1) tal-Approċċ Ġenerali tal-Kunsill dwar il-Proposta ta' Kontenut Diġitali.

Għalhekk, il-KEPD jirrakkomanda li wieħed joqgħod lura minn kwalunkwe referenza għal data personali fid-definizzjonijiet tal-“kuntratt għall-provvista ta' kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli” u “l-kuntratt ta' servizz diġitali” u jissuġġerixxi li joqgħod minflok fuq kunċett ta' kuntratt li permezz tiegħu kummerċjant iforni jew jimpenja ruħu li jipprovdi kontenut diġitali speċifiku jew servizz diġitali lill-konsumatur “irrispettivament minn jekk huwiex meħtieġ pagament tal-konsumatur”.

Barra minn hekk, il-KEPD jiġbed l-attenzjoni għal diversi interferenzi potenzjali tal-Proposta bl-applikazzjoni tal-qafas tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari il-GDPR, u jipprovdi rakkomandazzjonijiet.

L-ewwel nett, il-KEPD jisħaq li l-ipproċessar tad-data personali jista' jsir biss mill-kummerċjanti skont il-qafas tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari il-GDPR.

It-tieni, il-KEPD huwa kkonċernat għall-fatt li, li kieku l-kunċett ta' “kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali jew servizz diġitali li għalih il-konsumaturi jipprovdu id-data personali tagħhom, minflok iħallsu bil-flus” kellu jiġi introdott mill-Proposta, dan jista' jqarraq bil-fornituri ta' servizz li jistgħu jiġu mġiegħla jemmnu li l-ipproċessar tad-data ibbażat fuq kunsens fil-kuntest ta' kuntratt ikun legalment konformi fil-każijiet kollha, anke fejn il-kundizzjonijiet għal kunsens validu stabbilit fil-GDPR ma jkunux sodisfatti. Dan jimmina ċ-ċertezza legali.

It-tielet, l-interazzjoni kumplessa bejn id-dritt tal-irtirar mill-kuntratt u l-irtirar tal-kunsens għall-ipproċessar ta' data personali, kif ukoll l-obbligu tal-kummerċjant li jirrimborża lill-konsumatur f'każ ta' rtirar turi d-diffikultajiet li l-kunċett ta' “kuntratti għall-provvista ta' kontentut diġitali jew servizz diġitali li għalih il-konsumaturi jipprovdu d-data personali tagħhom, minflok iħallsu bil-flus” introdott bil-Proposta jiġi rikonċiljat man-natura tad-dritt fundamentali tad-data personali u l-GDPR.

Il-KEPD jikkunsidra wkoll li l-Proposta għandha temenda l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/83/UE, u għandha tintroduċi dispożizzjoni li tiddikjara b'mod ċar li f'każ ta' kunflitt bejn id-Direttiva 2011/83/UE u l-qafas legali dwar il-protezzjoni tad-data, tal-aħħar għandu jipprevali.

Barra minn hekk, il-KEPD jilqa' wkoll il-Proposta l-ġdida dwar ir-rimedju kollettiv, li għandha l-għan li tiffaċilita r-rimedju għall-konsumaturi fejn ħafna konsumaturi jkunu vittmi tal-istess ksur, f'hekk imsejħa sitwazzjoni ta' ħsara tal-massa. Il-KEPD jassumi li l-mekkaniżmu ta' rimedju previst fil-Proposta dwar ir-rimedju kollettiv għandu l-għan li jkun kumplimentari għal dak previst fl-Artikolu 80 tal-GDPR dwar ir-rappreżentazzjoni ta' suġġetti tad-data.

Madankollu, sakemm il-kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-data personali jkunu inklużi fl-ambitu tal-azzjoni kollettiva skont il-Proposta, il-KEPD jikkunsidra li “l-entitajiet ikkwalifikati” li se jkunu jistgħu jressqu l-azzjonijiet rappreżentattivi f'dan il-qasam skont il-Proposta għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 80 tal-GDPR.

Fl-istess ambitu, il-Proposta dwar ir-rimedju kollettiv għandha tiċċara li l-azzjonijiet rappreżentattivi dwar kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data għandhom jinġiebu biss quddiem l-awtoritajiet amministrattivi li huma l-awtorità superviżorja dwar il-protezzjoni tad-data fit-tifsira tal-Artikoli 4(21) u 51 tal-GDPR.

Bħala konklużjoni, il-KEPD jikkunsidra li l-applikazzjoni ta' żewġ mekkaniżmi differenti dwar ir-rimedju kollettiv, għall-GDPR u r-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika tal-futur, flimkien ma' punti sostantivi dwar l-interazzjoni bejn il-konsumatur u l-protezzjoni tad-data, teħtieġ aktar kooperazzjoni sistematika bejn il-protezzjoni tal-konsumatur u l-awtoritajiet dwar il-protezzjoni tad-data li tista' titwettaq, pereżempju, fi ħdan in-netwerk voluntarju diġà eżistenti tal-korpi ta' infurzar mill-oqsma tal-kompetizzjoni, il-konsumaturi u l-protezzjoni tad-data — Clearinghouse Diġitali.

Fl-aħħar nett, il-KEPD jilqa' l-inizjattiva li jiġi aġġornat l-infurzar tar-regoli tal-konsumatur: ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur. F'dan il-kuntest, il-KEPD jikkunsidra li huwa kruċjali li jiġu esplorati iżjed is-sinerġiji bejn il-protezzjoni tad-data u l-liġi dwar il-konsumatur. Il-kooperazzjoni bejn il-protezzjoni tal-konsumatur u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data trid issir aktar sistematika kull fejn iqumu kwistjonijiet speċifiċi li jkunu ta' interess għaż-żewġ naħat, li fihom il-benessri tal-konsumatur u l-protezzjoni tad-data jidher li jkunu involuti.

I.   INTRODUZZJONI U SFOND

1.

Fil-11 ta April 2018, il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem “il-Kummissjoni” ħarġet il-Komunikazzjoni “Patt Ġdid għall-Konsumaturi” (2) (minn hawn 'il quddiem “il-Komunikazzjoni” flimkien maż-żewġ proposti leġiżlattivi li ġejjin:

proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, id-Direttiva 98/6/KE, id-Direttiva 2005/29/KE u d-Direttiva 2011/83/UE dwar l-infurzar aħjar u l-immodernizzar tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur tal-UE (3);

proposta għal Direttiva dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (4).

2.

Iż-żewġ proposti għandhom jiġu kkunsidrati bħala pakkett b'għanijiet komuni, speċjalment biex:

jimmodernizzaw ir-regoli eżistenti u jimlew il-vojt fl-acquis preżenti dwar il-konsumatur;

jipprovdu opportunitajiet ta' rimedju aħjar għall-konsumaturi, jappoġġjaw infurzar effettiv u aktar kooperazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi f'Suq Uniku ġust u sikur;

iżidu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi sħab barra l-UE;

jiżguraw trattament ugwali għall-konsumaturi fis-Suq Uniku u jiggarantixxu li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom is-setgħa li jindirizzaw kwalunkwe problema dwar il-prodotti bi “kwalità doppja” għall-konsumatur;

itejbu l-komunikazzjoni u l-bini tal-kapaċità sabiex jagħmlu lill-konsumaturi iżjed konxji tad-drittijiet tagħhom u sabiex jgħinu lill-kummerċjanti, speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, biex ikunu konformi b'mod aktar faċli mal-obbligi tagħhom;

iħarsu lejn l-isfidi tal-futur għall-politika dwar il-konsumaturi f'ambjent ekonomiku u teknoloġiku li qed jevolvi malajr.

3.

B'mod aktar speċifiku, il-Proposta dwar l-infurzar aħjar u l-immodernizzar tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur tal-UE (minn hawn 'il quddiem “il-Proposta”) għandha l-għan li tagħmel it-titjib deskritt hawn taħt:

Penali aktar effettivi, proporzjonati u dissważivi għal ksur transkonfinali mifrux;

Id-dritt għal rimedji individwali għall-konsumaturi;

Aktar trasparenza għall-konsumaturi f'postijiet tas-suq onlajn;

Estensjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta' servizzi diġitali;

Li jitneħħew il-piżijiet għan-negozji;

Li tiġi ċċarata l-libertà tal-Istati Membri biex jadottaw regoli dwar ċerti forom u aspetti ta' bejgħ lil hinn mill-bini tan-negozju;

Li jiġu ċċarati r-regolamenti dwar il-promozzjoni qarrieqa ta' prodotti ta' “kwalità doppja”.

4.

Barra minn hekk, il-Proposta għal Direttiva dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi (minn hawn 'il quddiem “il-Proposta dwar ir-rimedju kollettiv”) għandha l-għan li tiffaċilita r-rimedju għall-konsumatur, fejn ħafna konsumaturi jkunu vittmi tal-istess ksur, f'hekk imsejħa sitwazzjoni ta' ħsara tal-massa.

5.

Fiż-żmien tal-adozzjoni taż-żewġ proposti, il-KEPD ma ġiex ikkonsultat mill-Kummissjoni.

VII.   KONKLUŻJONI

Dwar il-Proposta:

69.

Il-KEPD jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timmodernizza r-regoli eżistenti u li timla l-lakuni fl-acquis attwali tal-konsumatur ħalli tilqa' għall-isfidi preżenti bħalma huma l-mudelli ta' negozju ġodda li qed jiżviluppaw, li fihom data personali qed tintalab mingħand il-konsumaturi li jkunu jixtiequ jkollhom aċċess għall-kontenut diġitali jew li jkunu jridu jużaw servizzi diġitali.

70.

Madankollu, il-KEPD jinnota bi tħassib li d-definizzjonijiet previsti bil-Proposta jistgħu jintroduċu l-kunċett ta' kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali jew servizz diġitali li għalih il-konsumaturi jistgħu “jħallsu” bid-data personali tagħhom, minflok iħallsu bil-flus. Il-KEPD jixtieq jemfasizza li dan l-approċċ ġdid ma jsolvix il-problemi kkawżati billi jintuża t-terminu “kontro-prestazzjoni” jew billi ssir analoġija bejn id-dispożiżżjoni ta' data personali u l-ħlas ta' prezz. B'mod partikolari, dan jikkunsidra li dan l-approċċ ġdid ma jikkunsidrax biżżejjed in-natura tad-drittijiet fundamentali dwar il-protezzjoni tad-data għaliex id-data personali jqisha bħala ass ekonomiku biss.

Sabiex tiġi pprovduta protezzjoni wiesgħa tal-konsumatur mingħajr riskju li jiġu mminati l-prinċipji tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data, jista' jiġi previst approċċ alternattiv, bħal pereżempju fuq il-bażi ta' definizzjoni ta' “servizz” mid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, id-dispożizzjoni li tiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-GDPR jew l-Artikolu 3(1) tal-Approċċ Ġenerali tal-Kunsill dwar il-Proposta ta' Kontenut Diġitali.

71.

Għalhekk, il-KEPD jirrakkomanda li wieħed joqgħod lura minn kwalunkwe referenza għad-data personali fid-definizzjonijiet tal-“kuntratt għall-provvista ta' kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli” u “l-kuntratt ta' servizz diġitali” u jissuġġerixxi li joqgħod minflok fuq kunċett ta' kuntratt li permezz tiegħu kummerċjant iforni jew jimpenja ruħu li jipprovdi kontenut diġitali speċifiku jew servizz diġitali lill-konsumatur “irrispettivament minn jekk huwiex meħtieġ pagament tal-konsumatur”.

72.

Barra minn hekk, il-KEPD jiġbed l-attenzjoni għal diversi interferenzi potenzjali tal-Proposta mal-applikazzjoni tal-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE, b'mod partikolari mal-GDPR, u jipprovdi rakkomandazzjonijiet:

l-ipproċessar tad-data personali tista' ssir biss mill-kummerċjanti skont il-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE, partikolarment b'mod konformi mal-GDPR;

li kieku l-kunċett ta' “kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali jew servizz diġitali li għalih il-konsumaturi jipprovdu d-data personali tagħhom minflok il-pagament bil-flus” kellu jiġi introdott bil-Proposta, dan jista' jfixkel lill-fornituri tas-servizz li jista' jġiegħlhom jemmnu li l-ipproċessar ta' data bbażat fuq kunsens fil-kuntest ta' kuntratt ikun legalment konformi fil-każijiet kollha, anke fejn il-kundizzjonijiet għal kunsens validu kif stabbilit fil-GDPR ma jkunux ġew sodisfatti. Dan jimmina ċ-ċertezza legali;

il-perjodu ta' 14-il ġurnata biex tirtira mill-kuntratt, introdott bil-Proposta, ma jistax jitqies bħala restrizzjoni fuq id-dritt li jiġi rtirat il-kunsens fi kwalunkwe perjodu kif previst fil-GDPR;

jista' ma jkunx possibbli li jiġi evalwat il-valur tad-data personali f'każ ta' rtirar mill-kuntratt. Hu, għalhekk, domandabbli jekk il-Proposta tistax fil-fatt tiżgura li l-konsumaturi se jiġu kkumpensati b'mod ġust.

73.

Fl-aħħar nett, il-KEPD jikkunsidra li l-Proposta għandha temenda l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/83/UE u tintroduċi dispożizzjoni li tiddikjara b'mod ċar li f'każ ta' kunflitt bejn id-Direttiva 2011/83/UE u l-qafas legali dwar il-protezzjoni tad-data, dan tal-aħħar għandu jipprevali.

Dwar il-Proposta dwar ir-rimedju kollettiv:

74.

Il-KEPD jilqa' l-Proposta l-ġdida dwar ir-rimedju kollettiv, li għandha l-għan li tiffaċilita r-rimedju għall-konsumaturi fejn ħafna konsumaturi jispiċċaw vittma tal-istess ksur, f'hekk imsejħa sitwazzjoni ta' ħsara tal-massa.

75.

Madankollu, sakemm il-kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-data personali jkunu inklużi fl-ambitu tal-azzjoni kollettiva skont il-Proposta, il-KEPD jikkunsidra li “l-entitajiet ikkwalifikati” li se jkunu jistgħu jressqu l-azzjonijiet rappreżentattivi f'dan il-qasam skont il-Proposta għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 80 tal-GDPR.

76.

Fl-istess ambitu, il-Proposta dwar ir-rimedju kollettiv għandha tiċċara li l-azzjonijiet rappreżentattivi dwar kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data għandhom jinġiebu biss quddiem l-awtoritajiet amministrattivi li huma l-awtorità superviżorja dwar il-protezzjoni tad-data fit-tifsira tal-Artikoli 4(21) u 51 tal-GDPR.

77.

Il-KEPD jikkunsidra wkoll li l-applikazzjoni ta' żewġ mekkaniżmi differenti dwar ir-rimedju kollettiv, għall-GDPR u r-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika tal-futur, flimkien ma' punti sostantivi oħrajn ta' interazzjoni bejn il-konsumatur u l-protezzjoni tad-data, teħtieġ kooperazzjoni aktar sistematika bejn il-protezzjoni tal-konsumatur u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data li tista' sseħħ, pereżempju, fi ħdan in-netwerk volontarju diġà eżistenti tal-korpi ta' infurzar li ġejjin mill-oqsma tal-kompetizzjoni, tal-konsumaturi u tal-protezzjoni tad-data - il-Clearinghouse Diġitali.

Dwar ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur:

78.

Il-KEPD jilqa' l-inizjattiva li jiġi aġġornat l-infurzar tar-regoli tal-konsumatur: ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi.

79.

F'dan il-kuntest, il-KEPD jikkunsidra li huwa kruċjali li jiġu esplorati iżjed is-sinerġiji bejn il-protezzjoni tad-data u l-liġi dwar il-konsumatur. Il-kooperazzjoni bejn il-protezzjoni tal-konsumatur u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data trid issir aktar sistematika kull fejn iqumu kwistjonijiet speċifiċi li jkunu ta' interess għaż-żewġ naħat, li fihom il-benessri tal-konsumatur u l-protezzjoni tad-data jidher li jkunu involuti.

Brussell, il-5 ta' Ottubru 2018.

Giovanni BUTTARELLI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad- Data


(1)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — “Patt Ġdid għall-Konsumaturi”, COM(2018) 183 final.

(3)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993, id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur COM(2018) 185 final.

(4)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE, COM(2018) 184 final.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

30.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 432/22


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9150 — China Reinsurance Group Corporation/Chaucer)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 432/05)

1.   

Fit-23 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

China Reinsurance (Group) Corporation (“China Re”, iċ-Ċina), ikkontrollata minn China Investment Corporation (“CIC”, iċ-Ċina)

Chaucer (“Chaucer”, ir-Renju Unit), li tikkonsisti minn The Hanover Insurance International Holdings Limited (“HIIH”), Chaucer Insurance Company Designated Activity Company (“CICDAC”) u Hanover Australia Holdco Pty Ltd (“HAH”), li fl-aħħar mill-aħħar huma kollha kkontrollati minn The Hanover Insurance Group, Inc (“THG”, l-Istati Uniti).

China Re se takkwista, fi ħdan is-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll kollu ta’ Chaucer.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

China Re hija involuta madwar id-dinja prinċipalment fir-riassigurazzjoni tal-proprjetà u għall-emerġenzi (property and casualty, “P&C”), fir-riassigurazzjoni tal-ħajja u tas-saħħa, fl-assigurazzjoni primarja P&C u fil-ġestjoni tal-assi. Fiż-ŻEE, l-attivitajiet ta’ China Re jiffokaw fuq il-forniment ta’ riassigurazzjoni, assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja u ġestjoni tal-assi; kif ukoll

Chaucer hija attiva globalment fil-forniment ta’ riassigurazzjoni, assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja u l-assigurazzjoni ta’ speċjalità.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jenħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fin-Notifika.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista' jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Jenħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.9150 — China Reinsurance Group Corporation/Chaucer

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

E-mail: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz tal-posta:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


30.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 432/24


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9222 — Ivanhoé/Oxford/JV)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 432/06)

1.   

Fit-23 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Ivanhoé Cambridge (“Ivanhoé”, il-Kanada),

Oxford Properties (“Oxford”, il-Kanada),

Ivanhoé u Oxford se jakkwistaw il-kontroll konġunt skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet ta’ IDI Logistics (l-Istati Uniti), sussidjarja ta’ Ivanhoe, attiva fl-Istati Uniti tal-Amerika li tinvesti f’assi ta’ proprjeta immobbli ta’ loġistika industrijali, u tiżviluppahom.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal Ivanhoé: investur dinji fil-proprjetà immobbli u sussidjarja tal- maniġer tal-pensjoni Kanadiż Caisse de dépôt et placement du Québec, li għandha madwar 93 % mill-kapital azzjonarju ordinarju ta’ Ivanhoé u teżerċita kontroll fuqha.

—   għal Oxford: parti mill-OMERS Group usa’ (kif definit hawn taħt). OMERS Administration Corporation (“OMERS”) huwa l-amministratur tal-Pjan tal-Pensjoni Primarju tas-Sistema tal-Irtirar tal-Impjegati tal-Muniċipju ta’ Ontario, u l-fiduċjarju tal-fondi tal-pensjoni. OMERS tamministra portafoll dinji ddiversifikat ta’ stokks u bonds kif ukoll proprjetajiet immobbli, ekwità privata u investimenti fl-infrastruttura (flimkien mal-“OMERS Group”). L-amministraturi ta’ investiment prinċipali ta’ OMERS huma Borealis Infrastrucure, OMERS Private Equity, OMERS Strategic Investments u Oxford Properties.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jenħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fin-Notifika.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jenħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.9222 — Ivanhoé/Oxford/JV

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

E-mail: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks: +32 22964301

Indirizz tal-posta:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.