ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 389

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
26 ta' Ottubru 2018


Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

2018/C 389/01

Rapport dwar l-attivitajiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF — 2017

1


MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

26.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 389/1


RAPPORT DWAR L-ATTIVITAJIET TAL-KUMITAT TA’ SORVELJANZA TAL-OLAF — 2017

(2018/C 389/01)

Il-Membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

 

Is-Sur Jan MULDER

President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

Membru tal-Kumitat mit-23 ta’ Jannar 2017, President mill-1 ta’ Marzu 2017

Eks Membru tal-Parlament Ewropew, in-Netherlands.

 

Is-Sa. Colette DRINAN

Membru tal-Kumitat bejn it-13 ta’ Lulju 2016 u l-15 ta’ Novembru 2017,

President mis-7 ta’ Settembru 2016 sal-1 ta’ Marzu 2017

Direttur tal-Awditjar, l-Uffiċċju tal-Kontrollur u l-Awditur Ġenerali, l-Irlanda.

Kontabilista Kwalifikata.

 

Is-Sa. Maria Helena FAZENDA

Membru tal-Kumitat mit-23 ta’ Jannar 2017

Segretarja Ġenerali tas-Sistema tas-Sigurtà Interna, il-Portugall.

Prosekutur pubbliku.

 

Is-Sur Petr KLEMENT

Membru tal-Kumitat mit-23 ta’ Jannar 2017

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Suprem, ir-Repubblika Ċeka.

Prosekutur pubbliku.

 

Is-Sa. Grażyna STRONIKOWSKA

Membru tal-Kumitat mit-13 ta’ Lulju 2016

Prosekutur Pubbliku fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Nazzjonali, Varsavja, il-Polonja.

Prosekutur pubbliku.

 

Is-Sur Rafael MUÑOZ LÓPEZ-CARMONA

Membru tal-Kumitat mill-1 ta’ Diċembru 2017

Kap tat-Taqsima tal-Appoġġ tal-Kontrollur tal-Istat Ġenerali fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali Kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata, Spanja.

Awditur, avukat, ekonomista.

KELMTEJN QABEL MILL-PRESIDENT

Għandi l-pjaċir nippreżenta r-rapport annwali tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għas-sena 2017.

Il-perjodu ta’ rapportar attwali żamm lill-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza u s-Segretarjat tiegħu kompletament okkupati. Is-sena kienet ikkaratterizzata minn għadd ta’ bidliet fil-persunal fil-kompożizzjoni tal-Kumitat. Is-Sa. Catherine Pignon, is-Sur Johan Denolf u s-Sur Dimitrios Zimianitis waslu fit-tmiem tal-ħatra statutorja tagħhom u ġew sostitwiti fit-23 ta’ Jannar mis-Sa. Helena Fazenda, mis-Sur Petr Klement u minni nnifsi, is-Sur Jan Mulder. Nieħu din l-opportunità sabiex nirringrazzjahom għas-servizzi li taw lill-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali u lil dan il-Kumitat u lill-OLAF b’mod partikolari.

Is-Sa. Colette Drinan irriżenjat bħala President fl-1 ta’ Marzu 2017 u jien dħalt f’din il-kariga bħala s-suċċessur tagħha. Is-Sa. Drinan irriżenjat ukoll bħala membru tal-Kumitat fis-16 ta’ Novembru tal-istess sena u ġiet sostitwita mis-Sur Rafael Muñoz López-Carmona. Irrid inwassal il-gratitudni tal-Kumitat għall-kontribut tagħha għall-ħidma tagħna.

F’Ottubru 2017, l-eks Direttur Ġenerali tal-OLAF, is-Sur Giovanni Kessler, iddeċieda li jaċċetta kariga fl-Italja qabel ma skada l-mandat tiegħu fi Brussell. Ftit wara li tħabbret din id-deċiżjoni, inbdiet il-proċedura ta’ reklutaġġ għad-Direttur Ġenerali ġdid tal-OLAF. Bħala President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, jien ipparteċipajt bħala osservatur fil-proċedura ta’ reklutaġġ. Bħala Kumitat, ma qajjimna ebda oġġezzjoni għall-proċedura segwita mill-Kummissjoni.

Fl-2017, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tas-Segretarjat tal-Kumitat, dan ġie ttrasferit mill-OLAF għal uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea, jiġifieri l-Uffiċċju għall-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO). Madankollu, dan huwa biss sekwestru amministrattiv. Dan it-trasferiment amministrattiv kien akkumpanjat minn ċaqliqa fiżika mill-bini tal-OLAF għal parti oħra tal-bini barra mill-perimetru sigur tal-OLAF. Jekk nagħtu ħarsa lura, nistgħu ngħidu li r-riżultati ta’ din il-bidla ma laħqux l-aspettattivi tal-Kumitat.

Parti kbira mill-ħidma tal-Kumitat kienet iddedikata għall-evalwazzjoni tal-effettività tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (ir-Regolament tal-OLAF) f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament. Il-ħidma kellha titlesta qabel it-2 ta’ Ottubru 2017.

Il-konklużjonijiet ewlenin tal-Opinjoni tal-Kumitat dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament tal-OLAF, imwassla kif xieraq, kienu:

(i)

il-ħtieġa li jiġi inkluż rekwiżit fir-Regolament innifsu li l-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu d-dritt li jikseb l-informazzjoni li jidhirlu li hija meħtieġa sabiex iwettaq ir-rwol tiegħu li jsaħħaħ bis-sħiħ l-indipendenza tal-OLAF;

(ii)

li hija meħtieġa aktar ċarezza dwar il-garanziji proċedurali; u

(iii)

li l-kooperazzjoni tal-Istati Membri fl-investigazzjonijiet tal-OLAF għandha ssir aktar obbligatorja.

Ir-rapport sħiħ huwa disponibbli fuq is-sit web interistituzzjonali tal-Kumitat ta’ Sorveljanza taħt http://europa.eu/supervisory-committee-olaf/

Il-Kumitat iffoka fuq il-familjarizzazzjoni tal-membri l-ġodda tiegħu mal-ħidma interna tal-OLAF, l-analiżi tal-każijiet miċħuda, il-verifika tat-tul tal-investigazzjonijiet, l-iskrutinju ta’ każijiet sensittivi u l-verifika tal-implimentazzjoni tal-infiq tal-OLAF. Il-membri tal-Kumitat u jien iltqajna diversi drabi mal-membri tal-persunal investigattivi u mal-maniġment tal-OLAF sabiex nikkooperaw flimkien u nsaħħu l-governanza tal-Uffiċċju.

Il-Kumitat ikkonkluda li fis-sena li ġejja għandu jsir ħafna xogħol fuq il-garanziji proċedurali, fuq it-tul tal-investigazzjonijiet u fuq ir-rata ta’ suċċess tal-każijiet u r-rakkomandazzjonijiet ittrasferiti lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u lill-istituzzjonijiet tal-UE.

Fir-rapporti preċedenti, in-nuqqas ta’ informazzjoni pprovduta lill-Kumitat ġie enfasizzat bħala problema ewlenija. Il-Kumitat il-ġdid għamilha prijorità li jwettaq il-mandat tiegħu billi jkollu aċċess adegwat għall-informazzjoni meħtieġa. L-eks Direttur Ġenerali, is-Sur Kessler, għamel sforzi inkoraġġanti f’din id-direzzjoni u, wara li s-Sur Nicholas Ilett sar aġent Direttur Ġenerali, il-proċess ħaffef il-pass. Huwa tejjeb id-djalogu u l-kooperazzjoni bla xkiel bejn l-OLAF u s-superviżur tiegħu u dejjem kien disponibbli sabiex jipprovdi informazzjoni u jikkondividi l-fehmiet tiegħu u l-għażliet ta’ ġestjoni mal-Kumitat. Il-Kumitat apprezza b’mod partikolari dan il-mezz ta’ djalogu miftuħ.

Il-Kumitat ħareġ stedina permanenti lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF u lill-persunal anzjan u l-membri tal-maniġment sabiex jattendu l-laqgħat plenarji kollha tiegħu. Din l-inizjattiva ċertament tejbet il-fluss tal-informazzjoni. Il-membri tal-Kumitat adottaw approċċ kostruttiv u kooperattiv li permezz tiegħu l-OLAF u l-Kumitat jistgħu jsaħħu b’mod reċiproku r-rwol ta’ xulxin bħala korpi ta’ governanza tal-Uffiċċju. Madankollu, is-sitwazzjoni fil-perjodu tar-rapportar tal-2017 kienet għadha mhijiex ideali, kif ser nenfasizzaw fil-paġni li ġejjin. Ser ikun meħtieġ aktar żmien sabiex dan l-approċċ jiżviluppa l-potenzjal ta’ benefiċċju sħiħ tiegħu għall-Unjoni Ewropea.

Kwistjoni ewlenija f’kull laqgħa kienet tikkonċerna l-iżviluppi marbuta mal-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) li għadu kif ġie stabbilit. Billi l-UPPE ser ikollu influwenza fuq il-ġejjieni tal-OLAF, il-Kumitat għamel żgur li jinżamm infurmat mill-qrib dwar it-tħejjijiet għat-twelid leġiżlattiv tiegħu, l-implikazzjonijiet finanzjarji tiegħu u l-funzjonament tiegħu fil-ġejjieni. Kemm l-OLAF kif ukoll l-UPPE ser ikollhom rwol fl-UE u s-sinerġiji tagħhom ser itejbu l-protezzjoni tal-kontribwenti, tal-Istati Membri u tal-interessi tal-UE. L-OLAF żamm ukoll lill-Kumitat informat perjodikament dwar il-passi meħuda mill-OLAF u mill-Kummissjoni sabiex jimplimentaw ir-Regolament dwar l-UPPE.

Kif intqal qabel, is-sena li għaddiet kienet sena ta’ tranżizzjoni. Il-bidliet fil-kompożizzjoni tal-Kumitat u tal-post amministrattiv tas-Segretarjat ħolqu sitwazzjoni fejn mhux dejjem kien faċli għal dawk kollha involuti, mhux l-inqas għas-Segretarjat, li jadattaw għall-bidliet. Irrid nirringrazzja lil dawk kollha li għamluha possibbli li titkompla l-ħidma tagħna f’konformità mar-Regolament tal-OLAF.

Jan MULDER

Il-President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

WERREJ

STQARRIJA TAL-MISSJONI 5
QAFAS LEĠIŻLATTIV 6
MONITORAĠĠ TAR-RIŻORSI TAL-OLAF 7
AĊĊESS GĦALL-INFORMAZZJONI GĦAL FUNZJONIJIET TA’ SORVELJANZA 9
TISĦIĦ TAL-INDIPENDENZA TAL-OLAF 10
PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA TAD-DIRETTUR ĠENERALI ĠDID TAL-OLAF 11
ŻVILUPPI TA’ MONITORAĠĠ LI JIKKONĊERNAW L-APPLIKAZZJONI TA’ GARANZIJI PROĊEDURALI FL-INVESTIGAZZJONIJIET TAL-OLAF 11
Verifika u rieżami tal-legalità 11
Proċedura tal-ilmenti dwar l-investigazzjonijiet tal-OLAF 12
Drittijiet fundamentali u garanziji proċedurali 12
MONITORAĠĠ TAT-TUL TAL-INVESTIGAZZJONIJIET TAL-OLAF 14
Rimarki ġenerali 14
L-analiżi tal-Kumitat ta’ 417-il rapport għal investigazzjonijiet li damu għaddejjin aktar minn 12-il xahar 15
Konklużjonijiet 16
VALUTAZZJONI TAL-PRIJORITAJIET TAL-POLITIKA TA’ INVESTIGAZZJONI TAL-OLAF U TAL-LINJI GWIDA TAL-INVESTIGAZZJONI 17
MONITORAĠĠ TAL-KAŻIJIET LI FIHOM IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-OLAF MA ĠEWX SEGWITI 18
L-UFFIĊĊJU EWROPEW KONTRA L-FRODI U L-UFFIĊĊJU TAL-PROSEKUTUR PUBBLIKU EWROPEW 20
It-tmexxija ta’ investigazzjonijiet amministrattivi fuq talba tal-UPPE 21
L-għoti ta’ informazzjoni, analiżi forensika, għarfien espert u appoġġ operattiv lill-UPPE 21
GOVERNANZA TAL-KUMITAT TA’ SORVELVANZA 22
Laqgħat ma’ istituzzjonijiet, korpi u aġenziji oħrajn tal-UE 22
Metodi ta’ ħidma u trasparenza 22
Is-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF 22
Kwistjonijiet baġitarji 23

STQARRIJA TAL-MISSJONI

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013:

“Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jimmonitorja regolarment l-implimentazzjoni mill-Uffiċċju tal-funzjoni investigattiva tiegħu, sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-Uffiċċju fit-twettiq tajjeb tal-kompetenzi mogħtija lilu permezz ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu b’mod partikolari jimmonitorja l-iżviluppi dwar l-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali u t-tul tal-investigazzjonijiet fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mid-Direttur Ġenerali f’konformità mal-Artikolu 7(8).”

1.

Il-missjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF hija li jsaħħaħ l-indipendenza tal-OLAF fl-eżerċitar xieraq tal-kompetenzi mogħtija lilu (2). Sabiex iwettaq din il-missjoni, il-leġiżlatur tal-UE inkariga lill-Kumitat bi rwol triplu: li jwettaq monitoraġġ regolari tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF, li jassisti lid-Direttur Ġenerali fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tiegħu u li jirrapporta lill-istituzzjonijiet tal-UE.

2.

Il-Kumitat u d-Direttur Ġenerali tal-OLAF huma t-tnejn parti mill-governanza stabbilita mil-leġiżlatur fir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 u kkonfermata fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013. Il-Kumitat huwa l-korp ta’ sorveljanza tal-OLAF u l-gwardjan tal-indipendenza tal-OLAF; huwa jissorvelja regolarment l-implimentazzjoni mill-OLAF tal-funzjoni investigattiva tiegħu u l-prestazzjoni amministrattiva tiegħu. B’mod partikolari, huwa jissorvelja l-iżviluppi fl-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali u t-tul tal-investigazzjonijiet.

Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF jiżgura mhux biss il-ġestjoni tal-Uffiċċju, iżda wkoll ir-reviżjoni tal-proċeduri, l-immaniġġjar tal-ilmenti, il-qadi ta’ dmirijietu u d-direzzjoni tal-investigazzjonijiet. Din hija responsabbiltà konsiderevoli li l-ebda Direttur Ġenerali ieħor fil-Kummissjoni Ewropea ma għandu. L-ebda Direttur Ġenerali ieħor ma jista’ jinvestiga lill-persunal u lill-membri tal-istituzzjonijiet Ewropej. Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF huwa dak maħtur mill-Kummissjoni f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u ladarba l-Kumitat ta’ Sorveljanza jkun ħareġ opinjoni favorevoli dwar il-proċedura tal-ħatra. Bħala tali, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF huwa primus inter pares, funzjoni kwalifikata li tiżgura standards għoljin ta’ etika u integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE.

3.

Il-Kumitat għandu rwol konsultattiv fir-rigward tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, li lilu huwa jgħin fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tiegħu preċiżament minħabba r-rwol partikolari attribwit lill-funzjoni mil-leġiżlatur tal-UE. Il-Kumitat jagħmel dan billi:

jikkomunika lid-Direttur Ġenerali r-riżultati tal-monitoraġġ tal-Kumitat ta’:

kif l-OLAF qed jimplimenta l-funzjoni investigattiva tiegħu;

l-applikazzjoni tal-garanziji proċedurali u t-tul tal-investigazzjonijiet; u

fejn meħtieġ, jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa;

jindirizza l-opinjonijiet lid-Direttur Ġenerali, inkluż, fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet dwar ir-riżorsi meħtieġa sabiex titwettaq il-funzjoni investigattiva tal-OLAF, dwar il-prijoritajiet investigattivi u t-tul tal-investigazzjonijiet;

jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu (inkluż, fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet) dwar il-linji gwida għall-proċeduri tal-investigazzjoni (u kwalunkwe emenda li ssirilhom) adottati mid-Direttur Ġenerali f’konformità mal-Artikolu 17(8) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013;

jimmonitorja l-kwalità tal-investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF u tar-rakkomandazzjonijiet li joħroġ.

4.

Il-Kumitat huwa sieħeb fid-djalogu tal-istituzzjonijiet tal-UE. Huwa jirrapporta lill-istituzzjonijiet dwar l-attivitajiet tiegħu, jista’ joħroġ opinjonijiet fuq talba tagħhom, jipproduċi rapporti dwar kwistjonijiet investigattivi u jiskambja fehmiet magħhom f’livell politiku. B’riżultat ta’ dan, il-Kumitat jipprovdi lill-istituzzjonijiet tal-UE b’għarfien espert ibbażat fuq l-esperjenza ta’ monitoraġġ tiegħu. Huwa jagħti wkoll assigurazzjoni li l-OLAF qed jaġixxi fil-limiti tal-legalità u r-regolarità u li l-valuri ewlenin tal-UE jiġu rrispettati meta jsiru l-investigazzjonijiet.

QAFAS LEĠIŻLATTIV

L-Artikolu 19. Rapport ta’ evalwazzjoni

“Sat-2 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza u għandu jiddikjara jekk hemmx bżonn li jiġi emendat dan ir-Regolament.”

5.

Matul dan ir-rapport, issir referenza f’diversi punti għall-konklużjonijiet tal-Opinjoni Nru 2/2017 “li takkumpanja r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2013” (3). Din kienet l-aktar opinjoni importanti mħejjija mill-Kumitat fl-2017. Fl-Opinjoni, il-Kumitat ta’ Sorveljanza evalwa: (i) l-ambjent legali tal-OLAF; (ii) iċ-ċiklu tal-ħajja tal-investigazzjonijiet tal-OLAF; (iii) ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u għall-garanziji proċedurali matul l-investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF; (iv) ir-rwol u l-funzjonament tal-Kumitat ta’ Sorveljanza; u (v) il-proposta leġiżlattiva dwar it-twaqqif tal-UPPE.

6.

Fl-Opinjoni tiegħu, il-Kumitat ta’ Sorveljanza wasal għall-konklużjoni li emenda fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 għandha tgħaqqad ir-raġunijiet għall-investigazzjonijiet kollha tal-OLAF sabiex jiġu evitati frammentazzjoni u diffikultajiet fl-interpretazzjoni, kif ukoll sabiex jissaħħu ċ-ċarezza tad-dritt u l-garanziji proċedurali. Jenħtieġ li l-qafas legali unifikat ikun fih ukoll kodiċi eżawrjenti li jistabbilixxi s-setgħat tal-OLAF. Ir-Regolament ser ikollu jagħti attenzjoni speċjali lill-kjarifika tas-setgħat tal-OLAF fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-UE u tad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-OLAF u l-UPPE tal-futur.

Fil-fehma tal-Kumitat, ir-regoli interni applikabbli bħalissa ma jipprovdux it-tmexxija tal-investigazzjonijiet bit-trasparenza maħsuba mil-leġiżlatur. Barra minn hekk, l-għadd ta’ struzzjonijiet jista’ jiżgwida lill-persunal tal-OLAF u, speċifikament, lill-investigaturi. Din is-sitwazzjoni tista’ tiġi evitata billi jiġu stabbiliti proċeduri komprensivi ta’ investigazzjoni fir-Regolament. Dan ikun jinkludi kriterji inqas flessibbli għall-ftuħ ta’ investigazzjonijiet sabiex iċ-ċertezza legali ma titpoġġiex f’riskju u sabiex jingħata trattament ġust lill-informazzjoni li tidħol mill-OLAF. Proċeduri komprensivi ta’ investigazzjoni jintroduċu wkoll mekkaniżmi li jikkontrobilanċjaw kwalunkwe abbuż potenzjali ta’ diskrezzjoni jew pressjoni esterna żejda fuq id-Direttur Ġenerali tal-OLAF. Dawn jikkontrobilanċjaw ukoll id-diskrezzjoni wiesgħa mogħtija lid-Direttur Ġenerali mir-Regolament attwali billi jobbligaw lid-Direttur Ġenerali sabiex jinforma regolarment lill-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar ir-raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni li ma tinfetaħx investigazzjoni.

7.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza sab li l-oqsma ewlenin tal-investigazzjonijiet tal-OLAF (li jinkludu l-fondi strutturali, l-agrikoltura, ir-riżorsi proprji, id-dwana, l-għajnuna esterna u l-korruzzjoni) għandhom jiġu indikati aħjar fir-Regolament tal-OLAF sabiex jiġu ċċarati r-regoli u s-setgħat investigattivi tal-OLAF f’dawk is-setturi. Dan jiffaċilita l-indipendenza fl-eżerċitar xieraq tas-setgħat tal-Uffiċċju u jipprovdi pedament sod għall-OLAF sabiex jaħdem flimkien mal-UPPE.

8.

Fir-rigward tat-tul tal-investigazzjonijiet, il-Kumitat ta’ Sorveljanza kien tal-fehma li jenħtieġ li r-Regolament jiġi emendat sabiex jinkludi rekwiżit li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF jieħu f’kunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet statutorji fl-Istati Membri kkonċernati minn investigazzjoni. Mill-inqas 18-il xahar qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ limitazzjoni statutorja, jenħtieġ li l-OLAF jibgħat rapport interim lill-awtoritajiet tal-Istati Membri rispettivi. Il-forma u l-kontenut tar-rapport interim għandhom ikunu ekwivalenti għar-rapport finali u ma għandux jinkludi rakkomandazzjonijiet. Il-Kumitat appoġġja wkoll it-twaqqif ta’ timijiet ta’ segwitu li jistgħu jagħtu rakkomandazzjonijiet dwar segwitu ġudizzjarju u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-OLAF u tal-awtoritajiet kollha involuti fl-investigazzjonijiet, inkluż l-UPPE tal-futur.

9.

Fir-rigward tal-għeluq tal-investigazzjonijiet, hija l-fehma tal-Kumitat ta’ Sorveljanza li l-leġiżlatur għandu jikkunsidra li joħloq regoli espliċiti dwar l-informazzjoni li għandu jibgħat l-OLAF lill-Kumitat. Sabiex il-Kumitat ikun f’pożizzjoni li jassisti lid-Direttur Ġenerali fit-twettiq ta’ dmirijietu f’dan il-qasam, ikun meħtieġ li mill-inqas jirċievi mingħand l-OLAF ir-rapport ta’ investigazzjoni mibgħut lill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru u t-tweġiba mingħand dik l-awtorità lill-OLAF.

Minħabba l-mandat b’saħħtu mogħti lilu mit-tliet istituzzjonijiet kollha, il-Kumitat ta’ Sorveljanza indika li jixtieq ukoll li jkollu rwol sinifikanti fit-twaqqif ta’ rabtiet bejn l-OLAF u l-imsieħba tiegħu, b’mod partikolari l-UPPE.

MONITORAĠĠ TAR-RIŻORSI TAL-OLAF

L-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE tat-28 ta’ April 1999 li twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, kif emendata bid-Deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2013, 2013/478/UE:

“2.   Id-Direttur Ġenerali, wara li jikkonsulta l-Kumitat ta’Superviżjoni, jibgħat lid-Direttur Ġenerali tal-Baġis abbozz preliminari tal-baġit li għandu jiddaħħal fl-anness li jikkonċerna lill-Uffiċċju tat-taqsima tal-Kummissjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.”

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013:

“Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jindirizza opinjonijiet lid-Direttur Ġenerali, inkluż meta xieraq, rakkomandazzjonijiet dwar fost l-oħrajn ir-riżorsi meħtieġa sabiex titwettaq il-funzjoni investigattiva tal-Uffiċċju […]”

10.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza eżamina l-abbozz ta’ baġit preliminari tal-OLAF għall-2018, b’enfasi partikolari fuq żewġ punti: (i) is-sistema għall-ġestjoni tal-kontenut tal-OLAF (“OCM”), il-bażi ta’ data tal-OLAF li fiha informazzjoni relatata ma’ każijiet u li ġiet stabbilita sabiex tissostitwixxi s-CMS, is-sistema l-antika għall-ġestjoni tal-każijiet; u (ii) ir-riżorsi umani tal-OLAF. Il-Kumitat poġġa aspettattivi għoljin fuq l-istrateġija tar-riżorsi umani (HR) 2017-2019 li kellu jadotta l-OLAF matul l-2018, filwaqt li qies ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat magħmula lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF fl-Opinjoni tiegħu Nru 1/2017 “Abbozz ta’ Baġit Preliminari tal-OLAF għall-2018”.

11.

Il-Kumitat appoġġja l-abbozz ta’ baġit preliminari tal-OLAF għall-2018 fl-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza Nru 1/2017, b’mod partikolari t-talba tal-OLAF għal ħames karigi ta’ amministraturi addizzjonali li għandhom jiġu allokati għall-funzjoni investigattiva tal-OLAF sabiex tissaħħaħ il-missjoni ewlenija tal-OLAF.

12.

B’mod partikolari, il-Kumitat kien tal-fehma li s-sistema tal-bażi ta’ data OCM kienet importanti minħabba l-ammont ta’ baġit involut fl-implimentazzjoni tagħha u minħabba l-impatt tas-sistema fuq il-funzjoni investigattiva tal-OLAF. Għalhekk, il-Kumitat irrakkomanda li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF jitlob li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni Ewropea “jwettaq evalwazzjoni wara l-implimentazzjoni tal-OCM, li għandha tinkorpora l-esperjenzi tal-utenti, minbarra elementi oħrajn”. F’Ottubru 2017, l-OLAF wieġeb li huwa “ser jikkunsidra bir-reqqa l-ħtieġa li l-IAS jintalab iwettaq tali evalwazzjoni wara l-implimentazzjoni”. Fi Frar 2018, l-OLAF indika wkoll li ser jitwettaq mill-aktar fis possibbli awditjar fuq il-prattiki tal-ġestjoni tal-proġetti tal-IT tal-OLAF (inkluża l-OCM).

13.

Fir-rigward tal-istrateġija tar-riżorsi umani tal-OLAF għall-2017-2019, fl-Opinjoni Nru 1/2017 tiegħu, il-Kumitat ħareġ ħames rakkomandazzjonijiet indirizzati lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF dwar it-titjib tal-ġestjoni tar-riżorsi umani tal-OLAF, b’mod partikolari permezz tat-tnaqqis tad-dawran tal-persunal, iż-żamma tal-persunal u r-reklutaġġ u t-taħriġ tal-investigaturi. L-OLAF wieġeb parzjalment għal uħud minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

14.

Il-Kumitat irrakkomanda li l-OLAF jagħti attenzjoni partikolari lill-“ippjanar dettaljat tal-forza tax-xogħol”, li jivvaluta l-għadd ta’ impjegati li għandhom jiġu rreklutati kull sena matul il-perjodu tal-istrateġija tar-riżorsi umani 2017-2019. Fis-6 ta’ Ottubru 2017, l-OLAF wieġeb li huwa ser jagħti attenzjoni speċjali lis-suġġetti enfasizzati fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat meta jiżviluppa l-istrateġija tal-HR tiegħu għall-perjodu 2017-2019. Madankollu, sal-lum ma hemm ebda strateġija tar-riżorsi umani għall-perjodu 2017-2019 disponibbli għall-Kumitat. L-OLAF iqis li din ir-rakkomandazzjoni għadha għaddejja u kompla jżid fi Frar 2018 li d-dokument ser ikun lest fl-ewwel nofs tal-2018.

15.

Fl-Opinjoni Nru 1/2017 tiegħu, il-Kumitat irrakkomanda lill-OLAF jagħti kunsiderazzjoni speċjali lill-punti li ġejjin: (i) miżuri li jistgħu jittieħdu sabiex jitnaqqas il-perjodu ta’ reklutaġġ medju; (ii) identifikazzjoni ta’ miżuri possibbli għaż-żamma tal-persunal abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz tal-proċess tal-intervista tal-ħruġ; (iii) valutazzjoni dettaljata tal-ħtiġijiet tat-taħriġ; u (iv) kejl u valutazzjoni komparattiva tad-data statistika ewlenija tat-taħriġ. Fis-6 ta’ Ottubru 2017, l-OLAF wieġeb li huwa ser jagħti attenzjoni speċjali lis-suġġetti enfasizzati fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat meta jiżviluppa l-istrateġija tar-riżorsi umani tiegħu għall-perjodu 2017-2019, filwaqt li fi Frar 2018 (4) kompla jirrapporta dwar ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq.

16.

L-OLAF irrapporta lill-Kumitat fuq għadd ta’ kwistjonijiet ta’ riżorsi umani. L-ewwel nett, fl-aħħar tal-2018, l-OLAF ser iħejji rapport sabiex jidentifika l-oqsma għal titjib bil-għan li jitnaqqas il-perjodu tar-reklutaġġ. Huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għadha għaddejja. It-tieni nett, l-OLAF irrimarka li huwa d-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà (DĠ HR) li huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-korsijiet ta’ taħriġ għall-Kummissjoni kollha. Bħala riżultat, l-ispiża tat-taħriġ mhijiex disponibbli għal DĠ individwali. It-tielet nett, l-OLAF irrapporta wkoll dwar l-eżistenza tal-mogħdijiet ta’ taħriġ għall-investigaturi maħtura ġodda u għall-investigaturi anzjani, u pprovda informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ taħriġ intern u taħriġ ġenerali għall-persunal tal-Kummissjoni.

17.

Il-Kumitat huwa tal-fehma li jenħtieġ li r-riżorsi tal-OLAF ikunu kkonċentrati fuq il-ħidma ewlenija tiegħu, jiġifieri li jwettaq investigazzjonijiet dwar attivitajiet illegali, irregolaritajiet serji, frodi, ksur ta’ dmirijiet professjonali u kwistjonijiet oħrajn li huma ta’ detriment għall-interessi tal-UE. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-appoġġ għall-investigazzjonijiet huwa parti mill-attivitajiet ewlenin tal-OLAF u li r-riżorsi umani u l-kapaċitajiet finanzjarji interni tiegħu, li huma indipendenti mill-Kummissjoni, jikkontribwixxu għall-indipendenza tal-OLAF. Dan huwa ta’ importanza partikolari għar-reklutaġġ, għat-taħriġ u għall-kapaċità tiegħu li jirreaġixxi għal mudelli ta’ frodi ġodda u kumplessi.

18.

Il-Kumitat esprima l-fehma fl-Opinjoni Nru 1/2017 tiegħu li t-trasferiment tal-karigi mill-OLAF għall-UPPE għandu jiġi kkunsidrat u ġestit bir-reqqa sabiex tiġi protetta l-kapaċità tal-OLAF li jwettaq il-mandat kontinwu tiegħu, b’mod partikolari l-kapaċità investigattiva tiegħu. Dan jista’ jirrikjedi li jitnaqqsu l-kapaċitajiet ta’ politika tal-OLAF jekk ikunu jridu jiġu ttrasferiti aktar karigi lejn l-UPPE, sabiex jiġu ppreservati l-kapaċitajiet tad-direttorati investigattivi.

19.

Il-Kumitat indika wkoll li ladarba tkun ġiet adottata l-proposta finali dwar it-twaqqif tal-UPPE, huwa jista’ jikkunsidra li jissottometti rapport, kif previst mill-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, dwar l-impatt li għandu t-twaqqif tal-UPPE fuq il-kapaċitajiet investigattivi tal-OLAF.

20.

Minbarra l-Opinjoni Nru 1/2017 tiegħu dwar L-Abbozz ta’ Baġit Preliminari tal-OLAF għall-2018, il-Kumitat analizza l-informazzjoni pprovduta mill-OLAF dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għall-2017. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-miżuri ta’ awsterità ma għandhomx jaffettwaw b’mod negattiv il-kapaċità tal-Uffiċċju li jwettaq investigazzjonijiet effiċjenti.

21.

Il-Kumitat innota wkoll li l-OLAF kellu livell baxx ta’ eżekuzzjoni tal-baġit u li kompla jesperjenza rata għolja ta’ dawran tal-impjegati, fejn ma rnexxilux jirrekluta biżżejjed impjegati sabiex ikopri l-postijiet battala kollha. Il-Kumitat innota li l-baġit tal-missjoni ma jiddiskriminax bejn in-nefqa għall-investigazzjonijiet u n-nefqa għal skopijiet oħrajn. Il-Kumitat huwa tal-fehma li investigazzjonijiet effiċjenti, li jinvolvu appoġġ forensiku, legali u loġistiku, jistgħu jeħtieġu żieda fil-baġit tal-missjoni. Il-Kumitat ser janalizza din il-kwistjoni f’kooperazzjoni mal-OLAF sabiex jiġbor aktar evidenza u jiżgura li r-riżorsi kollha meħtieġa jkunu disponibbli għall-investigaturi.

22.

Il-Kumitat iqis li s-setgħat diskrezzjonali tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF li jittrasferixxi l-baġit minn linji baġitarji mhux użati biżżejjed għal linji baġitarji fejn huma meħtieġa aktar fondi huma għodda effiċjenti. Madankollu, din is-setgħa għandha tintuża primarjament sabiex jissaħħu l-kompiti ewlenin tal-Uffiċċju, b’mod partikolari dawk tad-direttorati investigattivi.

23.

Il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni preċedenti tiegħu mogħtija fl-Opinjoni Nru 1/2017 tiegħu li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) għandu jwettaq verifika tal-problemi li nqalgħu fl-implimentazzjoni tal-bażi ta’ data OCM, inklużi l-ispejjeż. Fl-24 ta’ Jannar 2018, ir-rapporteur tal-Kumitat responsabbli għall-monitoraġġ tar-riżorsi tal-OLAF talab rapport sħiħ dwar it-tqassim tal-ispejjeż tal-proġett OCM mill-bidu tiegħu. L-OLAF għadu ma pprovdiex din l-informazzjoni lill-Kumitat.

AĊĊESS GĦALL-INFORMAZZJONI GĦAL FUNZJONIJIET TA’ SORVELJANZA

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013:

“Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jimmonitorja regolarment l-implimentazzjoni mill-Uffiċċju tal-funzjoni investigattiva tiegħu […”’

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- li twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi: 28 ta’ April 1999

“[… i] l-Kumitat [ta’ Sorveljanza] għandu jkun responsabbli għas-sorveljanza regolari tal-qadi tal-funzjoni investigattiva mill-Kumitat.”

L-Opinjoni Konġunta tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Settembru 2016

L-Opinjoni Konġunta tenfasizza li r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 jagħti s-setgħa lill-Kumitat ta’ Sorveljanza sabiex jirċievi informazzjoni mingħand id-Direttur Ġenerali tal-OLAF:

dwar każijiet fejn l-informazzjoni ġiet trażmessa lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali anki meta ma tkun saret ebda investigazzjoni mill-OLAF;

dwar informazzjoni addizzjonali relatata mal-każijiet li tikkonċerna l-każijiet kollha, inklużi l-investigazzjonijiet li għaddejjin u mhux biss informazzjoni dwar każijiet magħluqa;

fir-rigward tal-obbligi ta’ rapportar tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 jimplika dmir attiv ta’ informazzjoni għall-OLAF. F’dak ir-rigward, l-għoti ta’ aċċess elettroniku purament passiv għall-bażijiet ta’ data tal-OLAF ma jkunx biżżejjed sabiex jissodisfa l-obbligi tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF kif stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

24.

Fir-rapporti annwali preċedenti tal-Kumitat, il-Kumitat enfasizza bħala kwistjoni urġenti l-aċċess limitat tiegħu għall-informazzjoni relatata mal-każijiet tal-OLAF. Is-sitwazzjoni bdiet titjieb taħt id-Direttur Ġenerali preċedenti u dan il-proċess ħaffef il-pass fit-tieni nofs tal-2017 wara l-ħatra ta’ aġent Direttur Ġenerali ġdid.

F’dan il-kuntest, il-Kumitat esperjenza problemi f’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għal informazzjoni investigattiva u għall-bażi ta’ data OCM tal-OLAF ta’ każijiet matul l-ewwel disa’ xhur tal-perjodu ta’ rapportar. Is-sitwazzjoni tjiebet minn hemm ’il quddiem.

25.

Abbażi tal-esperjenza tiegħu tal-bażi ta’ data OCM matul l-analiżi tal-każijiet b’“aċċess ta’ osservatur” għas-sistema, il-Kumitat ta’ Sorveljanza kkonkluda li fl-istat attwali tal-bażi ta’ data tal-OLAF, id-data pprovduta mhijiex adattata għall-ħtiġijiet tas-superviżjoni. Barra minn hekk, jidher li l-bażi ta’ data OCM lanqas biss hija adattata għall-ħtiġijiet investigattivi tal-OLAF stess.

Il-Kumitat ġie mgħarraf dwar id-diskussjonijiet li qegħdin isiru fl-OLAF fuq kif għandha tiġi aġġustata s-sistema OCM sabiex taqdi l-ħtiġijiet tal-OLAF u qed isegwi l-iżviluppi mill-qrib. Il-Kumitat huwa mħasseb serjament dwar din il-kwistjoni u ser jaħdem mill-qrib mal-OLAF sabiex tinstab soluzzjoni.

26.

Il-Kumitat isibha sorprendenti li s-sistema OCM, il-proġett ewlieni tal-ICT għall-funzjoni investigattiva tal-OLAF, ġiet implimentata mingħajr ma ġew ikkunsidrati l-ħtiġijiet tal-korp ta’ sorveljanza tiegħu. Il-karatteristiċi li l-Kumitat kellu għad-dispożizzjoni tiegħu fil-bażi ta’ data ta’ qabel, is-CMS, twaqqfu wkoll. Fiċ-ċirkostanzi, il-Kumitat qed jaħdem fuq data li l-OLAF jipprovdi jew jagħmel disponibbli għall-Kumitat permezz tal-OCM. Il-Kumitat ma jistax jagħmel estrazzjoni ta’ informazzjoni ta’ statistika jew rapportar waħdu qabel ma jiġu inklużi add-on jew modulu jew karatteristika li jippermettu lill-Kumitat juża data operattiva għal finijiet ta’ monitoraġġ.

27.

Il-bażi ta’ data OCM ma għandha ebda karatteristika adattata għall-ħtiġijiet tal-Kumitat għall-monitoraġġ tal-każijiet u l-mudelli sistemiċi fid-data operattiva tal-OLAF. Il-Kumitat huwa mħasseb li s-sistema preżenti ma tippermettix lill-OLAF jittrasferixxi d-dokumenti tal-każijiet mill-bażi ta’ data l-antika, is-CMS, għall-OCM b’mod sodisfaċenti. Din is-sitwazzjoni kellha impatt negattiv kbir fuq is-superviżjoni mill-Kumitat tal-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF, inklużi żviluppi fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali.

28.

Il-Kumitat ingħata aċċess għal 64 fajl tal-OLAF, li kienu jinkludu: (i) 60 każ li fihom id-Direttur Ġenerali ħa d-deċiżjoni li ma jiftaħx investigazzjoni u, bħala konsegwenza, li jiċħad il-każ u (ii) erba’ każijiet li fihom l-investigazzjonijiet tmexxew u tlestew permezz tal-ħruġ ta’ rapport tal-każijiet finali. Il-Kumitat analizza l-każijiet u ser jippubblika l-konklużjonijiet tiegħu fil-futur qarib. Xi riżultati tal-analiżi ntużaw ukoll fl-Opinjoni Nru 2/2017 tiegħu li takkumpanja r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-OLAF u f’attivitajiet ta’ monitoraġġ oħrajn.

29.

Il-Kumitat innota li l-kontenut u l-kwalità tar-rapporti sottomessi mill-OLAF dwar każijiet li damu għaddejjin aktar minn 12-il xahar fl-2017 ma kienu jinkludu ebda informazzjoni xierqa għall-monitoraġġ effettiv tat-tul tal-investigazzjonijiet. B’mod partikolari, minkejja t-tul dejjem jiżdied tal-investigazzjonijiet (minn 12-il xahar għal 18, 24, 30 xahar jew aktar), il-biċċa l-kbira tar-rapporti ma kienx fihom l-informazzjoni sostantiva li tispjega r-raġunijiet għat-tul tal-investigazzjonijiet u l-miżuri ta’ rimedju sabiex jitħaffu l-investigazzjonijiet. Għar-rapport dettaljat dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok ara l-kapitolu dwar il-monitoraġġ tat-tul tal-investigazzjonijiet tal-OLAF f’dan ir-rapport.

TISĦIĦ TAL-INDIPENDENZA TAL-OLAF

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013:

“Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jimmonitorja regolarment l-implimentazzjoni mill-Uffiċċju tal-funzjoni investigattiva tiegħu, sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-Uffiċċju fit-twettiq tajjeb tal-kompetenzi mogħtija lilu permezz ta’ dan ir-Regolament.”

L-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013:

“Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jadotta mill-inqas rapport wieħed dwar l-attivitajiet tiegħu kull sena, li jkun ikopri partikolarment l-evalwazzjoni tal-indipendenza tal-Uffiċċju, l-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali u d-durata ta’ investigazzjonijiet. Dawk ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.”

L-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013:

“Id-Direttur Ġenerali ma għandu la jfittex, u lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand xi gvern jew xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija fil-qadi ta’ dmirijietu fir-rigward tal-ftuħ u t-tmexxija ta’ investigazzjonijiet esterni u interni jew fl-abbozzar ta’ rapporti wara investigazzjonijiet bħal dawk. Jekk id-Direttur iqis li miżura meħuda mill-Kummissjoni titfa’ dubju fuq l-indipendenza tiegħu, huwa għandu jinforma minnufih lill-Kumitat ta’ Sorveljanza, u għandu jiddeċiedi jekk iressaqx azzjoni kontra l-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.”

L-Artikolu 17(9) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013:

“Qabel ma timponi kwalunkwe penali dixxiplinari fuq id-Direttur Ġenerali, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Kumitat ta’ Sorveljanza.”

30.

Fir-rapport annwali tal-2016, il-Kumitat ta’ Sorveljanza stabbilixxa li, fit-2 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni Ewropea rrinunzjat parzjalment l-immunità tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF mill-proċedimenti legali b’rispons għal talba mill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani. Permezz ta’ nota datata l-14 ta’ Marzu 2016, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF informa lill-Kumitat ta’ Sorveljanza, abbażi tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, li huwa qies id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Marzu bħala miżura li titfa’ dubju fuq l-indipendenza tad-Direttur Ġenerali.

31.

Minkejja t-talbiet kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF, il-Kumitat ma ngħatax l-informazzjoni sostantiva jew kopja tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-proċedura segwita. Barra minn hekk, l-azzjoni ewlenija mressqa mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF quddiem il-Qorti Ġenerali li qed titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni għadha qed tiġi kkunsidrata bħalissa minn dik il-qorti. Għalhekk, il-Kumitat għadu mhuwiex f’pożizzjoni li jifforma opinjoni konklużiva. Fil-Belġju hemm kawża kriminali nazzjonali li għadha pendenti u, billi l-Kumitat ma rċieva ebda informazzjoni dwarha, ma jista’ jsir ebda kumment ieħor.

32.

Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF, is-Sur Giovanni Kessler, irriżenja f’Ottubru 2017 qabel it-tmiem tal-mandat tiegħu ta’ seba’ snin sabiex jassumi l-kariga ta’ Direttur Ġenerali tal-Aġenzija għad-Dwana u l-Monopolji fl-Italja, fuq sekondar mill-Kummissjoni Ewropea. B’riżultat ta’ dan, inbdiet il-proċedura sabiex jinħatar Direttur Ġenerali ġdid tal-OLAF. Il-Kumitat indika lill-Kummissjoni li jenħtieġ li jittieħdu miżuri li jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda kunflitt ta’ interess li jista’ jkun ta’ detriment għall-indipendenza tal-OLAF fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet.

PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA TAD-DIRETTUR ĠENERALI ĠDID TAL-OLAF

L-Artikolu 17(2) tar-Regolament tal-OLAF,

“Il-Kummissjoni għandha tfassal lista ta’ kandidati kwalifikati kif xieraq għall-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali tal-OLAF wara li tkun ingħatat opinjoni favorevoli mill-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar il-proċedura tal-għażla applikata mill-Kummissjoni.”

33.

Fil-25 ta’ April 2017, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet l-abbozz ta’ avviż ta’ post battal tal-proċedura sabiex jintgħażel Direttur Ġenerali ġdid tal-OLAF lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat ta’ Sorveljanza għal konsultazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea stiednet ukoll lill-Kumitat ta’ Sorveljanza sabiex jaħtar rappreżentant sabiex jipparteċipa bħala osservatur matul l-intervisti fil-livelli differenti tal-proċess tal-għażla.

34.

Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Mejju 2017, il-Kumitat ta’ Sorveljanza laqa’ l-impenn tal-Kummissjoni sabiex tirrekluta d-Direttur Ġenerali tal-OLAF bħala Aġent Temporanju għat-tul tal-mandat ta’ seba’ snin u mhux bħala uffiċjal permanenti tal-Kummissjoni. Il-Kumitat enfasizza li n-newtralità politika tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF għandha tiġi enfasizzata billi indika li l-kariga kienet inkompatibbli ma’ kwalunkwe affiljazzjoni ma’ kull attività politika matul it-terminu tal-mandat. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-Kumitat kien tal-fehma li l-valutazzjoni tal-“perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur” tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF affettwat direttament il-kwistjoni tal-indipendenza tiegħu, billi għamlet kontribuzzjoni mill-Kumitat dwar il-prestazzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF fl-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva indispensabbli.

35.

Fit-28 ta’ Ġunju 2017, il-kariga ta’ Direttur Ġenerali tal-OLAF kienet irreklamata taħt l-avviż ta’ post battal COM/2017/10373. L-avviż ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 204) b’data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tas-27 ta’ Lulju 2017, sussegwentement estiża sal-15 ta’ Settembru 2017. Il-kariga ġiet irreklamata bħala pożizzjoni għal Direttur Ġenerali, Aġent Temporanju.

36.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza ħatar lis-Sur Mulder bħala r-rappreżentant tiegħu fil-proċedura tal-għażla organizzata mill-Kummissjoni. Huwa segwa mill-qrib l-iżviluppi fil-proċedura u attenda l-bord ta’ qabel l-għażla u l-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet bħala osservatur. Huwa ddiskuta perjodikament il-progress li sar fil-Kumitat ta’ Sorveljanza u kkondivida l-elementi kollha tal-evidenza miksuba sabiex il-membri tal-Kumitat setgħu gradwalment jifformaw opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-proċedura applikata.

37.

Wara diversi skambji ta’ ittri mas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni u mal-Kummissarju, is-Sur Günter Oettinger, fil-5 ta’ Marzu 2018, il-Kumitat ikkomunika lill-Kummissarju, is-Sur Günter Oettinger, li ma kellu l-ebda oġġezzjoni għall-proċedura segwita mill-Kummissjoni. Il-Kumitat ta’ Sorveljanza jista’ jikkunsidra li joħroġ rapport dwar kif jistgħu jittejbu l-proċeduri futuri fi stadju aktar tard.

ŻVILUPPI TA’ MONITORAĠĠ LI JIKKONĊERNAW L-APPLIKAZZJONI TA’ GARANZIJI PROĊEDURALI FL-INVESTIGAZZJONIJIET TAL-OLAF

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013:

“Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu b’mod partikolari jimmonitorja l-iżviluppi dwar l-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali (…).”

L-Artikolu 17(7) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013:

“Id-Direttur Ġenerali għandu jimplimenta mekkaniżmu intern ta’ konsulenza u kontroll, inkluż verifika ta’ legalità„ dwar fost l-oħrajn, ir-rispett tal-garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati (…).”

Verifika u rieżami tal-legalità

38.

Fl-Opinjoni Nru 2/2017 tiegħu, il-Kumitat ta’ Sorveljanza analizza l-verifika u r-rieżami tal-legalità li twettqu matul l-attivitajiet investigattivi tal-OLAF, filwaqt li ffoka fuq ir-rispett tal-garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali. F’opinjonijiet preċedenti (5), il-Kumitat irrakkomanda li l-OLAF itejjeb l-aħjar prattiki tar-reviżuri meta jiġu biex jivverifikaw il-konformità mal-garanziji proċedurali u t-tul proporzjonat tal-investigazzjonijiet. Il-Kumitat irrakkomanda wkoll li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF jadotta pjan li jkun fih azzjoni speċifika sabiex jissaħħaħ b’mod effettiv il-mekkaniżmu intern ta’ konsulenza u kontroll, kif stipulat mir-Regolament. Il-Kumitat għandu l-ħsieb li jidħol fi djalogu sabiex tinħoloq struttura permanenti fl-OLAF għal dan il-għan.

Proċedura tal-ilmenti dwar l-investigazzjonijiet tal-OLAF

39.

Il-kompożizzjonijiet preċedenti tal-Kumitat diġà kkummentaw fit-tul dwar din il-kwistjoni f’opinjonijiet preċedenti. Il-Kumitat irrakkomanda li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF jistabbilixxi proċedura interna effiċjenti sabiex jittratta l-ilmenti individwali. Il-Kumitat talab ukoll lid-Direttur Ġenerali sabiex jirrapporta lilu regolarment dwar l-ilmenti individwali riċevuti mill-OLAF u dwar is-segwitu mogħti lilhom (6). Huwa essenzjali li l-investigazzjonijiet jitmexxew b’mod xieraq. Ġiet ippubblikata proċedura tal-ilmenti fuq is-sit web tal-OLAF, iżda sa issa għadha ma ġiet kondiviża mal-Kumitat ebda deċiżjoni formali tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF li tadotta l-proċedura.

40.

Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF ħa azzjoni sabiex jiżgura li r-rapporti tal-ilmenti individwali jintbagħtu lill-Kumitat. Madankollu, mhux l-ilmenti kollha rreġistrati mill-OLAF jew l-ilmenti kollha mressqa quddiem korpi oħrajn kontra l-OLAF jiġu kondiviżi awtomatikament mal-Kumitat. Il-każijiet li jagħtu bidu għal dawk l-ilmenti mhumiex disponibbli u l-ispjegazzjonijiet inklużi fir-rapport huma ta’ natura ġenerali. L-OLAF ma jagħmilx l-ilmenti oriġinali u r-risposti tiegħu lill-ilmentaturi disponibbli għall-Kumitat. Għalhekk, il-Kumitat ma jistax jiżgura li d-drittijiet fundamentali tal-persuni affettwati mill-investigazzjonijiet ikunu protetti u li jiġu applikati l-garanziji proċedurali.

Il-Kumitat għandu l-ħsieb, permezz ta’ djalogu permanenti mal-OLAF, li jiżviluppa sistema li tagħmilha n-norma li jsir monitoraġġ aktar effiċjenti.

Drittijiet fundamentali u garanziji proċedurali

Ir-Regolament tal-OLAF

L-Artikolu 15(1), it-tieni paragrafu

“[…] Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu b’mod partikolari jimmonitorja l-iżviluppi dwar l-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali u t-tul tal-investigazzjonijiet fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mid-Direttur Ġenerali f’konformità mal-Artikolu 7(8).”

L-Artikolu 7(8)

“8.   Jekk investigazzjoni ma tkunx tista’ tingħalaq fi żmien 12-il xahar wara li tkun infetħet, id-Direttur Ġenerali għandu jirrapporta, malli jiskadi dak il-perjodu ta’ 12-il xahar u f’intervalli ta’ sitt xhur wara dan, lill-Kumitat ta’ Sorveljanza, filwaqt li jindika r-raġunijiet u l-miżuri ta’ rimedju previsti bil-ħsieb li titħaffef l-investigazzjoni.

L-Artikolu 9 Garanziji proċedurali (mhux riprodott hawnhekk minħabba t-tul tiegħu)

41.

Il-Kumitat ta attenzjoni partikolari lil dan il-qasam, minħabba r-rwol ta’ monitoraġġ tiegħu skont l-Artikoli 15(1) u 7(8) u 9 tar-Regolament tal-OLAF. Ir-regoli li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni taħt investigazzjoni mill-OLAF ittejbu u ġew iċċarati fir-Regolament il-ġdid tal-OLAF. Madankollu, l-OLAF ma daħħal fis-seħħ ebda mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u kontroll effiċjenti, kif imsemmi fl-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza Nru 2/2017 (7). Il-Kumitat iqis li l-mekkaniżmi ta’ kontroll u monitoraġġ huma estremament importanti u ser jagħtihom attenzjoni mill-qrib.

42.

Il-Kumitat iffoka fuq: (i) id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji li jistgħu jaffettwaw it-tmexxija indipendenti u imparzjali tal-investigazzjonijiet; u (ii) id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji li għalihom teżisti każistika stabbilita dwar l-OLAF u d-deċiżjonijiet tal-Ombudsman. Dawn id-drittijiet jinkludu d-dritt ta’ difiża, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, il-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet, id-dritt tal-persuna kkonċernata li tkun informata bl-investigazzjoni, id-dritt tal-partijiet interessati li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-fatti kollha li jikkonċernawhom, id-dritt ta’ aċċess għall-fajls ta’ investigazzjoni u/jew għar-rapport finali u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

43.

Il-Kumitat eżamina din il-kwistjoni billi uża diversi sorsi ta’ informazzjoni: (i) l-ilmenti individwali riċevuti mill-OLAF dwar il-ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali; (ii) l-informazzjoni mibgħuta mill-OLAF lill-Kumitat permezz tar-rapporti tal-każijiet finali tal-investigazzjonijiet magħluqa tal-OLAF; (iii) l-informazzjoni mibgħuta mill-OLAF abbażi tal-Artikolu 7(8) tar-Regolament tal-OLAF; u (iv) l-informazzjoni mill-analiżi tal-każijiet miċħuda.

(i)   Ilmenti individwali riċevuti mill-OLAF dwar il-ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali

44.

L-OLAF għamel disponibbli għall-Kumitat noti qosra fejn ġie elenkat l-allegat ksur tad-drittijiet matul l-investigazzjonijiet tal-OLAF, flimkien ma’ risposta qasira mill-OLAF li tindika li l-ilment kien infondat (8). F’xi każijiet, l-OLAF indika wkoll li kien hemm proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar uħud minn dawk l-allegati ksur tad-drittijiet fundamentali. L-ilmenti u t-tweġibiet mill-OLAF lill-ilmentaturi ma kinux disponibbli għall-Kumitat. Barra minn hekk, id-dokumenti li jappoġġjaw il-proċedura tal-ilmenti sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-OLAF ma kinux disponibbli għall-Kumitat, minkejja li dan kien ikun essenzjali sabiex il-Kumitat ikun jista’ jwettaq il-mandat tiegħu.

45.

Id-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali allegatament miksura mill-OLAF fl-ilmenti kienu relatati ma’ varjetà ta’ drittijiet differenti; il-Kumitat kien ukoll familjari mad-deċiżjonijiet tal-Ombudsman li huma disponibbli għall-pubbliku dwar din il-kwistjoni, li pprovdew informazzjoni aktar dettaljata dwar l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali mill-materjal li jinsab fin-noti tal-OLAF imsemmija hawn fuq.

46.

L-informazzjoni pprovduta mill-OLAF lill-Kumitat ma kinitx biżżejjed sabiex huwa jkun jista’ janalizza kif l-Uffiċċju jimplimenta l-funzjoni investigattiva tiegħu u jwettaq studju rigoruż dwar l-iżviluppi fuq id-drittijiet fundamentali. Sabiex ikun jista’ jagħmel dan, jeħtieġ li l-Kumitat jirċievi, mill-inqas, it-test sħiħ tal-ilment u r-risposta sħiħa mill-OLAF. L-intenzjoni tal-Kumitat hija li jirrakkomanda lill-OLAF jiżviluppa struttura li permezz tagħha r-rapportar regolari fuq l-ilmenti eżistenti kollha magħrufa mal-OLAF jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kumitat, sabiex b’hekk ikollu ċ-ċans li jikseb għarfien aħjar tas-sitwazzjoni.

(ii)   Informazzjoni mibgħuta mill-OLAF lill-Kumitat abbażi tal-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

47.

Il-Kumitat analizza r-rispett tal-OLAF għad-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba fil-kuntest tal-investigazzjonijiet li ma setgħux jingħalqu fi żmien 12-il xahar wara l-ftuħ tagħhom. Id-dritt tal-persuni għal amministrazzjoni tajba (jiġifieri żmien raġonevoli għall-investigazzjonijiet), li jista’ jipprevjeni wkoll kwistjonijiet ta’ preskrizzjoni, huwa garantit mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Il-Kumitat huwa konxju li investigazzjoni twila b’mod sproporzjonat, meta mqabbla maċ-ċirkostanzi u l-kumplessità tal-każ, jista’ jkollha konsegwenzi negattivi serji kemm fuq id-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati, kif ukoll fuq is-segwitu għall-investigazzjoni.

48.

Il-Kumitat eżamina 417-il rapport dwar investigazzjonijiet li jdumu għaddejjin aktar minn 12, 18, 24 u 30 xahar u saħansitra sa 66 xahar. Ir-rapporti ntbagħtu mid-Direttur Ġenerali sa Diċembru 2017. Madankollu, dawn ma kienx fihom l-informazzjoni rilevanti li tippermetti lill-Kumitat iwettaq il-mandat tiegħu. Il-kontenut tar-rapportar tal-OLAF lill-Kumitat jeħtieġ bidliet radikali li jerġgħu jkunu s-suġġett ta’ djalogu bejn il-Kumitat u l-OLAF fid-dawl tas-sejbiet tal-Kumitat fl-Opinjoni Nru 2/2014. Analiżi ulterjuri dwar dan is-suġġett ser tiġi ppreżentata aktar tard f’dan ir-rapport, fil-kapitolu dwar il-monitoraġġ tat-tul tal-investigazzjonijiet.

(iii)   Informazzjoni magħmula disponibbli mill-OLAF għall-Kumitat ta’ Sorveljanza permezz tar-rapporti tal-każijiet finali tal-investigazzjonijiet magħluqa tal-OLAF

49.

Ir-rapporti tal-każijiet finali tal-OLAF kien fihom informazzjoni rilevanti dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali, filwaqt li kkunsidraw li fir-rapporti l-OLAF jipprovdi sommarju tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tiegħu u tad-dokumenti ewlenin mill-investigazzjoni preliminari li fuqha ser tkun ibbażata l-azzjoni finanzjarja, amministrattiva, dixxiplinarja jew ġudizzjarja.

Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kumitat irċieva informazzjoni limitata (9) permezz ta’ dan is-sors ta’ informazzjoni. Dan kien minħabba li huwa seta’ jeżamina biss ir-rapporti tal-każijiet finali li jikkorrispondu għal erba’ investigazzjonijiet magħluqa mmexxija mill-OLAF u li ntbagħtu lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.

(iv)   Informazzjoni mill-analiżi tal-każijiet miċħuda

50.

Din tikkonċerna każijiet meta l-OLAF iddeċieda li ma jmexxix investigazzjoni wara li kien ivvaluta l-informazzjoni li daħlet. Dawn mhumiex investigazzjonijiet, iżda huma każijiet ta’ informazzjoni miċħuda fejn twettqet valutazzjoni jew valutazzjoni prima facie minn persunal mhux investigattiv.

51.

Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kumitat eżamina 60 “opinjoni dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ” imħejjija mill-Unità tal-għażla u l-analiżi tal-investigazzjonijiet (ISRU) u li fihom id-Direttur Ġenerali tal-OLAF ħa d-deċiżjoni li ma jiftaħx investigazzjoni. Il-monitoraġġ ta’ din l-informazzjoni huwa ta’ importanza fundamentali għat-tisħiħ tal-indipendenza tal-OLAF fil-mument kruċjali meta jinfetħu l-investigazzjonijiet. Ser tingħata opinjoni dwar din il-kwistjoni fil-futur qrib (10).

MONITORAĠĠ TAT-TUL TAL-INVESTIGAZZJONIJIET TAL-OLAF

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-OLAF

“[…] Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu b’mod partikolar, jimmonitorja l-iżviluppi dwar l-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali u t-tul tal-investigazzjonijiet fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mid-Direttur Ġenerali f’konformità mal-Artikolu 7(8).”

Artikolu 7(5)

“L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu kontinwament matul perjodu li għandu ikun proporzjonat għaċ-ċirkostanzi u l-kumplessità tal-każ.”

L-Artikolu 7(8)

“Jekk investigazzjoni ma tkunx tista’ tingħalaq fi żmien 12-il xahar wara li tkun infetħet, id-Direttur Ġenerali għandu jirrapporta, malli jiskadi dak il-perjodu ta’ 12-il xahar u f’intervalli ta’ sitt xhur wara dan, lill-Kumitat ta’ Sorveljanza, filwaqt li jindika r-raġunijiet u l-miżuri ta’ rimedju previsti bil-ħsieb li titħaffef l-investigazzjoni.”

Rimarki ġenerali

52.

It-tul tal-investigazzjonijiet tal-OLAF huwa indikatur importanti fil-valutazzjoni tal-effettività tal-investigazzjonijiet u l-monitoraġġ tar-rispett tal-garanziji proċedurali. It-tul tal-investigazzjonijiet tal-OLAF jintuża bl-istess mod sabiex jiġu vvalutati: (i) kwistjonijiet ta’ preskrizzjoni; (ii) is-segwitu tal-investigazzjonijiet tal-OLAF; u (iii) l-indipendenza attwali tal-Uffiċċju fit-twettiq tal-investigazzjonijiet tiegħu, inkluż l-użu effiċjenti tar-riżorsi umani u finanzjarji tal-OLAF (11). Ir-raġunijiet oġġettivi għat-tul tal-investigazzjonijiet jistgħu jħallu wkoll impatt fuq il-prijoritajiet tal-politika tal-investigazzjoni tal-OLAF.

53.

Għalkemm il-pjan ta’ ġestjoni annwali tal-OLAF jiffissa biss mira ġenerali għat-tul medju tal-investigazzjonijiet (pereżempju, fl-2017 dan ma kellux ikun ta’ aktar minn 20 xahar (12)), huwa għandu rwol bħala għodda ta’ statistika. Il-Kumitat jinnota li fil-proċedura investigattiva tal-OLAF ma teżisti ebda sistema li tirrikjedi estensjoni formali ta’ investigazzjoni wara l-ftuħ tagħha. Bħala konsegwenza, kull investigazzjoni hija miftuħa għal perjodu ta’ żmien indefinit. L-uniku mekkaniżmu simili għal sistema ta’ kontroll huwa l-obbligu tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF li jirrapporta lill-Kumitat ta’ Sorveljanza fi tmiem perjodu ta’ 12-il xahar u kull sitt xhur minn hemm ’il quddiem (13).

54.

Fil-fehma tal-Kumitat, il-kunċett ta’ “tul ta’ investigazzjoni” ma jistax jirreferi biss għat-tul statistiku tal-investigazzjonijiet, jiġifieri sempliċiment in-numru ta’ xhur li ddum għaddejja investigazzjoni. Madankollu, dan l-approċċ statistiku jipprevali fis-sistema attwali ta’ rapportar tal-OLAF lill-Kumitat. Ir-Regolament tal-OLAF jitlob li l-investigazzjonijiet jitmexxew “kontinwament matul perjodu li jrid ikun proporzjonat għaċ-ċirkostanzi u l-kumplessità tal-każ”. Sabiex jiġi żgurat li t-tul ikun proporzjonat mal-kumplessità tal-każ u li jitmexxa kontinwament, jenħtieġ li l-investigaturi u l-maniġment tagħhom iżommu kontroll sod taċ-ċiklu tal-ħajja tal-investigazzjoni sa mill-ftuħ tagħha. Il-kwalità tar-rapporti tal-OLAF fid-diversi stadji tal-investigazzjoni (inklużi r-“rapporti ta’ 12-il xahar”, ir-“rapporti ta’ 18-il xahar”, ir-“rapporti ta’ 24 xahar” u l-informazzjoni tar-rapportar sussegwenti) hija kruċjali sabiex il-Kumitat ikun jista’ jimmonitorja regolarment il-progress tal-investigazzjonijiet.

55.

Fil-fehma tal-Kumitat, il-ġestjoni tal-każijiet tal-OLAF tiġi ffaċilitata ħafna kieku l-“Linji Gwida dwar Proċeduri tal-Investigazzjoni għall-Persunal tal-OLAF” għamluh obbligatorju li jiġi stabbilit u aġġornat regolarment pjan ta’ investigazzjoni għal kull investigazzjoni miftuħa. Il-ġestjoni tal-każijiet tal-OLAF setgħet mhux biss tikkontrolla aħjar it-tul tal-investigazzjonijiet iżda wkoll ittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi umani u finanzjarji allokati għall-investigazzjonijiet. B’dan il-mod, il-pjanijiet ta’ investigazzjoni obbligatorja jkunu għodda b’saħħitha għall-ġestjoni u l-kontroll tal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin.

L-analiżi tal-Kumitat ta’ 417-il rapport għal investigazzjonijiet li damu għaddejjin aktar minn 12-il xahar

56.

Il-Kumitat wettaq analiżi ta’ 417-il rapport (14) dwar investigazzjonijiet tal-OLAF li damu għaddejjin aktar minn 12-il xahar (minn hawn ’il quddiem, “rapporti ta’ 12-il xahar”) li jinkludu: “rapporti ta’ 12-il xahar”, “rapporti ta’ 18-il xahar”, “rapporti ta’ 24 xahar” u rapporti li jkopru investigazzjonijiet li ilhom għaddejjin għal perjodi ta’ żmien itwal. L-għan tal-Kumitat kien li jeżamina l-kontenut tar-rapporti skont ir-rekwiżiti legali fl-Artikolu 7(8) tar-Regolament tal-OLAF (15) u abbażi tal-osservazzjonijiet tal-Kumitat li saru fil-passat, speċifikament fl-Opinjoni tal-Kumitat Nru 4/2014 “Kontroll tat-tul tal-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi”.

57.

Il-Kumitat iffoka l-analiżi tiegħu fuq il-valutazzjoni ta’:

a.

l-għadd ta’ każijiet li fihom ir-“rapporti ta’ 12-il xahar” tal-OLAF kienu jinkludu r-raġunijiet għaliex l-investigazzjonijiet ma tlestewx;

b.

l-għadd ta’ każijiet li fihom ir-“rapporti ta’ 12-il xahar” kienu jinkludu miżuri ta’ rimedju sabiex jitħaffu l-investigazzjonijiet;

c.

l-għadd ta’ każijiet li fihom kien hemm progress fil-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat fl-Opinjoni tal-Kumitat Nru 4/2014;

d.

l-għadd ta’ każijiet li fihom il-miżura ta’ rimedju indikata mill-OLAF ma kinitx konsistenti mar-raġunijiet ippreżentati għan-nuqqas ta’ tlestija tal-investigazzjoni.

58.

Fi kważi 25 % tar-rapporti riċevuti, il-Kumitat sab li l-OLAF ma pprovdiex raġunijiet sostantivi għala l-investigazzjonijiet ma tlestewx fi żmien 12-il xahar. F’madwar 75 % tar-rapporti, il-miżuri ta’ rimedju ma ġewx indikati. F’75 % tar-rapporti, il-Kumitat sab li l-miżuri ta’ rimedju sabiex jitħaffu l-investigazzjonijiet ma kinux jikkorrispondu għar-raġunijiet indikati mill-OLAF għan-nuqqas ta’ tlestija tal-investigazzjonijiet (16). F’70 % tar-rapporti analizzati, ma kien hemm ebda progress jew kien hemm titjib limitat ħafna minn meta nħarġet l-Opinjoni tal-Kumitat Nru 4/2014, bl-OLAF ikompli jipprovdi informazzjoni nieqsa lill-Kumitat dwar investigazzjonijiet li jdumu għaddejjin aktar minn 12-il xahar.

59.

Bħala konsegwenza tas-sitwazzjoni ppreżentata fil-paragrafu preċedenti, fil-fehma tal-Kumitat, il-kontenut ta’ dawn ir-rapporti ma għamilhiex possibbli li jiġu vverifikati u eżaminati r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ tlestija tal-investigazzjonijiet u l-miżuri ta’ rimedju maħsuba sabiex iħaffuhom (17).

60.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza analizza 417-il rapport ta’ investigazzjonijiet li damu għaddejjin aktar minn 12-il xahar. Barra minn hekk, il-Kumitat eżamina rapporti sussegwenti tal-OLAF dwar diversi investigazzjonijiet li kienu ilhom għaddejjin għal sostanzjalment aktar minn sena. Il-Kumitat qabbel ir-“rapporti ta’ 12-il xahar” inizjali ma’ rapporti sussegwenti dwar dawn il-każijiet individwali rrapportati lill-Kumitat mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF kull sitt xhur wara dan (każijiet li jdumu għaddejjin aktar minn 12, 18, 24, 30, 36 jew 42 xahar u saħansitra każijiet li jdumu għaddejjin sa 66 xahar). Il-Kumitat ikkonkluda li l-kwalità tal-informazzjoni pprovduta mill-OLAF abbażi tal-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 ma tjibitx għall-istess każ matul iż-żmien u li xi drabi ma nbidlitx, minkejja ż-żieda fit-tul tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. It-tul eċċessiv tal-investigazzjonijiet huwa kawża ta’ tħassib minħabba li jpoġġi d-drittijiet fundamentali tal-persuni affettwati mill-investigazzjonijiet fil-periklu, filwaqt li l-limitazzjonijiet statutorji (jiġifieri r-riskju ta’ preskrizzjoni) jipperikolaw l-opportunità tal-awtoritajiet ġudizzjarji, amministrattivi, dixxiplinarji u/jew finanzjarji li jieħdu azzjoni ulterjuri.

61.

Bħala konklużjoni, il-Kumitat jikkonferma l-osservazzjoni preċedenti tiegħu ddikjarata fir-rapport tal-attività tiegħu għall-2016, jiġifieri li ma kienx hemm progress fil-prattiki tal-OLAF sabiex jiġu implimentati l-obbligi legali tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF li joħorġu mill-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013. B’riżultat ta’ dan, il-Kumitat ma jistax jipprovdi assigurazzjoni li l-investigazzjonijiet jitmexxew b’mod kontinwu u mingħajr dewmien żejjed, wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi u l-kumplessità tal-każijiet.

62.

Il-Kumitat ma ġiex mgħarraf bl-eżistenza ta’ sistema interna ta’ rapportar bil-miktub li fiha l-investigatur jippreżenta l-iżvilupp tal-każ, id-direzzjonijiet tiegħu u l-attivitajiet imwettqa u dawk ippjanati li jitwettqu, jiġifieri f’dak li għandu x’jaqsam mas-sustanza tal-investigazzjonijiet, inklużi approċċ u metodoloġija konsistenti li jirriżultaw f’obbligu li jitħejja u jkompli jiġi aġġornat pjan ta’ investigazzjoni inizjali (18). Madankollu, l-OLAF isostni li huwa jikkontrolla sistematikament it-tul tal-investigazzjonijiet billi juża sistema ta’ rapporti statistiċi prodotti mill-bażijiet ta’ data elettroniċi interni tal-OLAF (is-sistema preċedenti għall-ġestjoni tal-każijiet (CMS) u s-sistema attwali għall-ġestjoni tal-kontenut tal-OLAF (OCM)), li turi t-tul tal-investigazzjonijiet u d-distribuzzjoni tal-ammont ta’ xogħol.

63.

Id-Diretturi A u B tal-OLAF li ffirmaw ir-rapporti dwar l-investigazzjonijiet li damu għaddejjin aktar minn 12-il xahar informaw lir-rapporteur tal-Kumitat ta’ Sorveljanza li huma regolarment iwettqu analiżi dettaljata, flimkien mal-investigaturi tal-OLAF, dwar il-progress fil-każ inkwistjoni u r-raġunijiet għala l-każ ma ġiex ikkompletat. Il-Kumitat jenfasizza li jenħtieġ li r-rapporti dwar l-investigazzjonijiet li jdumu għaddejjin aktar minn 12-il xahar ikunu bbażati fuq il-miżuri ta’ ġestjoni tal-OLAF stess, sa fejn ikun possibbli, u jkunu parti minn proċedura komprensiva ta’ monitoraġġ intern. Madankollu, bħalissa, rapporti bħal dawn jiġu prodotti esklussivament għall-Kumitat (19) u l-kontenut tagħhom huwa estremament limitat, li jfisser li la huma biżżejjed għall-finijiet ta’ monitoraġġ tal-Kumitat u lanqas huma utli għall-ġestjoni mill-OLAF tat-tul tal-investigazzjonijiet.

Konklużjonijiet

64.

Fl-opinjoni tal-Kumitat, rapporti adegwati dwar investigazzjonijiet li jdumu għaddejjin aktar minn 12-il xahar huma għodda utli u effiċjenti għall-monitoraġġ tat-tul tal-investigazzjonijiet kemm mill-Kumitat kif ukoll mill-maniġment tal-OLAF. It-tħejjija obbligatorja ta’ pjan ta’ investigazzjoni u l-aġġornament sussegwenti tiegħu jistgħu wkoll itejbu l-kwalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. Fil-fehma tal-Kumitat, is-soluzzjonijiet proposti jistgħu jwasslu wkoll sabiex jitqassar it-tul tal-investigazzjonijiet.

65.

Il-Kumitat jitlob lill-OLAF sabiex iżid l-effettività u l-kwalità tar-rapporti dwar l-investigazzjonijiet li jdumu għaddejjin aktar minn 12-il xahar. Fl-Opinjoni tal-Kumitat Nru 4/2014, il-Kumitat diġà ppropona mudell li jservi dan l-iskop u li huwa bbażat fuq il-qafas legali tal-OLAF (20). Din il-formola ġiet żviluppata aktar b’kollaborazzjoni mal-OLAF, iżda l-implimentazzjoni tagħha mill-OLAF twaqqfet; l-informazzjoni fil-formola kopriet il-punti li ġejjin, li huma ta’ rilevanza partikolari: (i) identifikazzjoni dettaljata tal-każ, inkluż l-impatt ekonomiku stmat; (ii) deskrizzjoni dettaljata tal-każ, inkluża d-data tal-informazzjoni inizjali; (iii) il-leġiżlazzjoni allegatament miksura; (iv) is-sanzjonijiet potenzjali u l-kunsiderazzjonijiet ta’ preskrizzjoni; (v) l-azzjoni operattiva mwettqa sa issa u r-riżultati tagħha; (vi) l-azzjoni operattiva li għadha trid titwettaq; u (vii) ir-raġunijiet għala l-każ mhuwiex komplet, inklużi l-allokazzjoni tar-riżorsi, l-ammont ta’ xogħol operattiv, il-kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni u materji oħrajn. Il-Kumitat jesprimi r-rieda tiegħu li jaħdem flimkien mad-Direttur Ġenerali tal-OLAF u mal-maniġment superjuri responsabbli sabiex jiżviluppaw sistema ta’ rapportar li tissodisfa liż-żewġ partijiet ikkonċernati.

VALUTAZZJONI TAL-PRIJORITAJIET TAL-POLITIKA TA’ INVESTIGAZZJONI TAL-OLAF U TAL-LINJI GWIDA TAL-INVESTIGAZZJONI

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 jiddikjara li:

“Id-Direttur Ġenerali għandu kull sena jiddetermina, fil-kuntest tal-pjan ta’ ġestjoni annwali, il-prijoritajiet tal-politika ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju u għandu, qabel il-pubblikazzjoni tagħhom, jibgħathom lill-Kumitat ta’ Sorveljanza”.

L-Artikolu 5(1):

“id-deċiżjoni mid-Direttur Ġenerali dwar jekk tinfetaħx investigazzjoni jew le għandha tqis il-prijoritajiet tal-politika ta’ investigazzjoni u l-pjan annwali ta’ ġestjoni tal-Uffiċċju.”

L-Artikolu 16(2) Skambju ta’ fehmiet mal-istituzzjonijiet

“2.   L-iskambju ta’ fehmiet jista’ jkun elatat ma’:

(a)

il-prijoritajiet strateġiċi għall-politiki ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju”

66.

Matul dawn l-aħħar ftit snin, il-Kumitat ta’ Sorveljanza enfasizza riservi serji f’għadd ta’ okkażjonijiet, b’mod partikolari fl-Opinjonijiet Nru 1/2014 u Nru 3/2015 tiegħu, dwar kif ġew stabbiliti u applikati l-prijoritajiet tal-politika ta’ investigazzjoni (IPPs) tal-OLAF. Il-biċċa l-kbira tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat jibqgħu validi u l-implimentazzjoni tagħhom mill-OLAF għadha pendenti.

67.

Il-Kumitat esprima wkoll il-fehmiet tiegħu dwar l-IPPs tal-OLAF u l-implimentazzjoni tagħhom fl-iskambju ta’ fehmiet mal-istituzzjonijiet fit-23 ta’ Novembru 2017. Il-Kumitat enfasizza li l-IPPs tal-OLAF kienu ffokati prinċipalment fuq setturi taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat B tal-OLAF (Investigazzjonijiet II), inklużi d-dazji doganali, in-nefqa li tikkonċerna l-fondi strutturali tal-UE, il-politika agrikola u l-fondi għall-iżvilupp rurali, għad-detriment ta’ setturi oħrajn ta’ nfiq u dħul.

68.

L-abbozz tal-IPPs tal-OLAF għall-2018 iħaddan approċċ li huwa simili ħafna għal dak imħaddan fis-snin preċedenti. L-abbozz tal-IPPs jiffoka fuq l-oqsma li ġejjin:

1.

każijiet li jirrigwardjaw proġetti tan-netwerk tal-infrastruttura u t-trasport, b’mod partikolari l-proċeduri tal-akkwist pubbliku;

2.

każijiet li jikkonċernaw: (i) proġetti (ko)finanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond ta’ Koeżjoni, mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u mill-fondi ta’ qabel l-adeżjoni, li fihom azzjoni minn Stati Membri jew pajjiżi kandidati tista’ ma tkunx biżżejjed; jew (ii) proġetti li għandhom elementi transfruntiera;

3.

każijiet li jindikaw abbużi possibbli tar-regoli tal-oriġini jew klassifikazzjoni tat-tariffi fir-reġimi tal-kummerċ kemm preferenzjali kif ukoll mhux preferenzjali u l-frodi relatati mal-valwazzjoni għall-evażjoni tal-ħlas ta’ dazji doganali konvenzjonali, inklużi miżuri tariffarji li huma parti mill-politika tal-UE dwar id-difiża tal-kummerċ;

4.

każijiet ta’ kuntrabandu ta’ tabakk, alkoħol u mediċini ffalsifikati fl-UE u ta’ manifattura illegali tat-tabakk;

5.

każijiet li jirrigwardjaw għajnuna umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp u appoġġ ieħor ipprovdut lil migranti u refuġjati.

69.

Il-Kumitat diġà esprima t-tħassib tiegħu li 30 % biss tal-każijiet immexxija mill-OLAF kienu konformi mal-IPPs stabbiliti hawn fuq, minkejja li d-Direttorat B kellu kemm l-akbar numru ta’ investigaturi kif ukoll l-akbar numru ta’ każijiet miftuħa.

70.

Il-Kumitat ġie informat li l-persentaġġ baxx ta’ każijiet miftuħa li jaqgħu taħt l-IPPs (30 %) kien dovut għall-kwalità tal-informazzjoni riċevuta mill-OLAF, li llimitat il-punt sa fejn seta’ jiġi stabbilit suspett suffiċjenti. Fil-laqgħa plenarja tal-Kumitat tal-14 ta’ Frar 2018, l-OLAF ikkonferma ċ-ċifri u rrimarka li l-IPPs ġew ikkunsidrati biss għall-ftuħ tal-każijiet meta ġew issodisfati rekwiżiti oħrajn tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-OLAF.

71.

Barra minn hekk, jidher li l-IPPs tal-OLAF ġew stabbiliti bl-użu tal-kontribut ipprovdut mill-partijiet interessati, inklużi kontribuzzjonijiet min-Netwerk tal-Kummissjoni għall-Prevenzjoni u d-Detezzjoni tal-Frodi, ir-rapporti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u r-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji.

72.

Madankollu, il-Kumitat jenfasizza r-rimarki magħmula mir-rappreżentanti tan-Netwerk tal-Kummissjoni għall-Prevenzjoni u d-Detezzjoni tal-Frodi, li jqajmu dubji dwar l-approċċ tal-OLAF. Jidher li d-deċiżjonijiet tal-OLAF li jinfetħu investigazzjonijiet kienu prinċipalment “xprunati mid-domanda”, fuq bażi ta’ każ b’każ.

73.

B’riżultat ta’ dan, madwar 70 % tal-investigazzjonijiet tal-OLAF ma jaqgħux taħt l-IPPs tiegħu. Il-Kumitat talab lill-OLAF sabiex jipprovdi aktar informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet li għamlu s-70 % l-oħra u dwar ir-raġunijiet għat-teħid ta’ dawk id-deċiżjonijiet.

74.

Il-Kumitat wasal għall-konklużjoni li huma meħtieġa bidliet aktar radikali fl-approċċ tal-OLAF għall-IPPs sabiex ikun żgurat li dawn jiġu stabbiliti u applikati kif suppost. Il-kwistjoni ewlenija hija li jintużaw kriterji għall-iffissar tal-IPPs li għandhom stampa realistika tas-setgħat u r-riżorsi tal-OLAF.

75.

Barra minn hekk, l-OLAF għandu kundizzjonijiet u kapaċitajiet privileġġati sabiex ikun proattiv f’dan il-qasam, li jirriżultaw prinċipalment minn żewġ aspetti:

(i)

il-fatt li d-Direttur Ġenerali għandu s-setgħa li jiftaħ investigazzjonijiet fuq inizjattiva tiegħu stess (l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013); u

(ii)

l-appoġġ faċilment disponibbli tal-istituzzjonijiet tal-UE u tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari tad-direttorati ġenerali, sabiex jiġu identifikati l-oqsma ta’ riskju ewlenin u l-prijoritajiet tal-infiq, inkluż il-qafas finanzjarju pluriennali.

76.

Sabiex l-OLAF jaġixxi b’manjiera proattiva b’mod effettiv, huwa jeħtieġ aktar minn sempliċiment ħarsa ġenerali wiesgħa lejn l-oriġini tal-frodi, tal-korruzzjoni u tal-irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE; huwa jibbenefika b’mod partikolari minn korp intern speċjalizzat fl-identifikazzjoni u l-analiżi tal-oqsma tal-akbar riskju u b’impatt serju fuq il-fondi tal-UE.

77.

Il-baġit u r-riżorsi tal-persunal tal-OLAF huma fatturi ewlenin għall-implimentazzjoni korretta tal-IPPs; għalhekk, il-kontribut miż-żewġ direttorati investigattivi (id-Direttorati A u B) f’dan il-qasam ikun utli wkoll.

78.

Il-Kumitat jixtieq isaħħaħ id-djalogu mal-OLAF fuq dawn il-kwistjonijiet strateġiċi u prattiċi. Għaldaqstant, il-Kumitat u l-OLAF qablu li d-diretturi responsabbli għall-investigazzjonijiet (jiġifieri d-diretturi inkarigati mid-Direttorati A u B) jieħdu sehem fil-laqgħat plenarji tal-Kumitat u jippreżentaw l-analiżi tagħhom dwar dawn il-kwistjonijiet. L-għadd ta’ investigazzjonijiet imwettqa, kif imsemmija fir-rapporti tal-attivitajiet annwali tal-OLAF għall-2015, l-2016 u l-2017, jistgħu jintużaw bħala punt ta’ referenza.

MONITORAĠĠ TAL-KAŻIJIET LI FIHOM IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-OLAF MA ĠEWX SEGWITI

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 17(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013:

“Id-Direttur Ġenerali għandu jinforma lill-Kumitat ta’ Sorveljanza perjodikament:

(a)

dwar każijiet li fihom ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mid-Direttur Ġenerali ma jkunux ġew segwiti;

(b)

dwar każijiet li fihom l-informazzjoni tkun intbagħtet lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri;”

79.

Ladarba tingħalaq investigazzjoni tal-OLAF, ir-rapport finali li jistabbilixxi l-fatti (b’evidenza ta’ sostenn u lista sħiħa tal-elementi rreġistrati tal-fajl tal-każ) u kwalunkwe rakkomandazzjoni maħruġa mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF jenħtieġ li jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE responsabbli għall-azzjoni sussegwenti.

80.

Hemm erba’ tipi ta’ rakkomandazzjonijiet li jinħarġu mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF ladarba tingħalaq investigazzjoni: (i) amministrattivi (prevenzjoni ta’ frodi tal-kuntratti, ftehimiet ta’ għotja, leġiżlazzjoni u prattika amministrattiva); (ii) finanzjarji (rkupru tal-ammonti indebitament minfuqa); (iii) ġudizzjarji (proċedimenti kriminali minn awtoritajiet nazzjonali); u (iv) dixxiplinarji (proċeduri dixxiplinarji minn istituzzjonijiet, aġenziji u korpi tal-UE).

81.

Skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF huwa mitlub li jinforma lill-Kumitat perjodikament bil-każijiet li fihom ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu ma jkunux ġew segwiti. Id-Direttur Ġenerali ssodisfa l-obbligu li jinforma lill-Kumitat bil-każijiet li fihom ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu ma ġewx segwiti. Dan sar billi ntbagħtet nota għall-attenzjoni tal-President tal-Kumitat fl-4 ta’ Settembru 2017. Dokument mehmuż man-nota kopra r-risposti li rċieva l-OLAF mingħand l-awtoritajiet ikkonċernati bejn l-1 ta’ Marzu 2016 u t-28 ta’ Frar 2017 għar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-1 ta’ Ottubru 2013. Dan il-perjodu segwa l-perjodu ta’ rapportar preċedenti (mill-1 ta’ Marzu 2015 sad-29 ta’ Frar 2016) mingħajr lakuni.

82.

L-informazzjoni dwar is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF ingħatat fil-forma ta’ tabella ta’ ħarsa ġenerali li kopriet: (i) in-numru tal-każ tal-OLAF; (ii) id-data li fiha nħarġet ir-rakkomandazzjoni; (iii) l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju; (iv) sommarju qasir tar-rakkomandazzjoni; (v) id-data tar-risposta dwar in-nuqqas ta’ implimentazzjoni; (vi) ir-raġunijiet mogħtija mill-awtorità kkonċernata; u (vii) f’xi każijiet, il-kummenti tal-OLAF li jagħtu aktar kjarifiki.

83.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni tal-informazzjoni li rċieva l-Kumitat, ma kienx possibbli għalih li jagħmel studju fil-fond tar-raġunijiet mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali għala r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF ma ġewx segwiti. Madankollu, id-dokumenti msemmija hawn fuq urew li kien hemm 22 rakkomandazzjoni tal-OLAF li ma kinux segwiti mill-awtoritajiet ikkonċernati fil-perjodu rilevanti.

Abbażi tal-informazzjoni dwar it-22 każ, il-Kumitat wasal għas-sejbiet u l-konklużjonijiet elenkati fil-paragrafi li ġejjin:

84.

Ir-raġuni ewlenija għan-nuqqas ta’ segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF kienet l-eżistenza ta’ sejbiet differenti fil-proċedimenti sussegwenti mmexxija mill-awtoritajiet nazzjonali. Minkejja dan, kien hemm ukoll każijiet fejn l-awtoritajiet ikkonċernati kienu korpi tal-UE.

85.

F’xi każijiet, ir-raġunijiet ingħataw espliċitament bħala “nuqqas ta’ evidenza” jew “evidenza mhux suffiċjenti” (il-maġġoranza tal-benefiċjarji tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF kienu servizzi ta’ prosekuzzjoni nazzjonali u, f’każ wieħed, awtorità tal-UE).

F’bosta każijiet, l-awtorità nazzjonali kkonċernata kkonkludiet ripetutament li l-“każ ma weriex ‘ħtija’ diretta min-naħa tal-benefiċjarju”; f’mill-inqas żewġ każijiet oħrajn, l-awtoritajiet nazzjonali (tal-istess Stat Membru) ma setgħu jidentifikaw l-ebda individwu personalment responsabbli għar-reati. Xi wħud minn dawn ir-raġunijiet jagħtu lok għal aktar mistoqsijiet dwar il-kwalità tal-implimentazzjoni nazzjonali tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE (21). Dawn is-sejbiet jeħtieġu aktar analiżi kemm mill-OLAF kif ukoll mill-Kumitat.

86.

L-OLAF irrapporta lir-rapporteur tal-Kumitat li kien hemm sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet fi Stat Membru ċaħdu każijiet minħabba nuqqas ta’ provi kkawżat minn telf jew qerda ta’ dokumenti inizjalment identifikati mill-OLAF, iżda mhux assigurati u sussegwentement mhux misjuba, pereżempju, waqt tfittxija f’dar magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali. Dan jenfasizza wkoll in-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali flimkien mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, li jirrikjedi li l-provi jiġu assigurati fl-istadji bikrija tal-proċedimenti u li l-ammissibbiltà tagħhom tiġi żgurata fi stadji ulterjuri jew proċedimenti sussegwenti, inkluż fi proċess kriminali. Il-Kumitat jikkonkludi li hija biss il-kooperazzjoni bikrija u mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali li tista’ tipprevjeni t-telf tal-evidenza minħabba l-qerda attwali tagħha jew in-nuqqas ta’ ammissibbiltà tagħha għal raġunijiet proċedurali formali.

87.

Raġunijiet oħrajn mogħtija mill-awtoritajiet ikkonċernati kienu jinkludu “nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali” jew “dannu taħt il-limitu ta’ reat kriminali”. Kien hemm każ wieħed biss fejn baqgħu ma ġewx ipprovduti r-raġunijiet għala ma ġewx segwiti r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF.

88.

Il-Kumitat talab informazzjoni addizzjonali dwar każijiet li jikkonċernaw proġetti implimentati barra l-UE li fihom l-OLAF ta rakkomandazzjonijiet lil awtorità tal-UE sabiex tirkupra l-fondi tal-UE u/jew timponi piena finanzjarja. F’xi każijiet, l-awtorità tal-UE kkonċernata ġġustifikat in-nuqqas ta’ konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF billi ddikjarat li ma kellha l-ebda bażi ġuridika sabiex timponi sanzjonijiet amministrattivi. Dan qajjem mistoqsijiet dwar kemm l-OLAF kien ġie informat b’mod adegwat dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE u internazzjonali rilevanti. Wara li janalizza d-dokumenti relatati mal-każijiet kollha kkonċernati, il-Kumitat isib li minħabba (i) il-kumplessità tar-relazzjonijiet ma’ sħab internazzjonali oħrajn u (ii) l-ambjent speċifiku ta’ oqsma b’riskju għoli ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi, huwa importanti li l-OLAF iwettaq analiżi legali u jivverifika jekk hemmx possibbiltà legali li jimponi sanzjonijiet u jirkupra l-fondi qabel ma joħroġ rakkomandazzjonijiet, speċjalment f’każijiet li jikkonċernaw strumenti ta’ finanzjament ta’ azzjoni esterna.

89.

Wara li eżamina r-raġunijiet kollha mogħtija mill-awtoritajiet ikkonċernati, il-Kumitat jikkonkludi li l-kooperazzjoni kemm mal-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll mal-awtoritajiet tal-UE kkonċernati hija kruċjali u jeħtieġ li sseħħ mill-bidu tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-OLAF u l-awtoritajiet ikkonċernati huma l-aħjar mod kif jiġu assigurati l-provi, tiġi żgurata l-ammissibbiltà tal-provi u jiġu evitati interpretazzjonijiet differenti tal-liġi nazzjonali u tal-UE. Għalhekk, il-Kumitat jappoġġja l-bidliet leġiżlattivi kollha kemm għal-liġi nazzjonali kif ukoll għal dik tal-UE (prinċipalment għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013) li jistabbilixxu dmir ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, l-OLAF u possibbilment awtoritajiet oħrajn tal-UE involuti fl-investigazzjoni ta’ frodi u irregolaritajiet.

90.

Il-Kumitat isib li l-evalwazzjoni tal-impatt tal-investigazzjonijiet tal-OLAF permezz tal-analiżi tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Uffiċċju lill-awtoritajiet ikkonċernati u r-rispons tal-awtoritajiet hija partikolarment importanti meta jiġi biex jistabbilixxi proċeduri effettivi kemm fl-Uffiċċju kif ukoll barra minnu. Il-Kumitat ripetutament esprima n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tiegħu bit-tneħħija tal-mekkaniżmu ta’ kontroll ex ante mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u għadu tal-opinjoni li sabiex il-Kumitat ikun jista’ jissodisfa l-mandat tiegħu, jeħtieġ li jkollu aktar informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu. Mill-inqas, ir-rapporti tal-investigazzjoni mibgħuta lill-awtoritajiet ikkonċernati u r-risposti tal-awtoritajiet għandhom jintbagħtu awtomatikament lill-Kumitat sabiex ikun jista’ jwettaq analiżi kontinwa u jfittex spjegazzjonijiet kemm mill-awtoritajiet ikkonċernati kif ukoll mill-OLAF. B’dan il-mod, huwa ser ikun jista’ jgħin sabiex itejjeb l-impatt investigattiv tal-OLAF u jgħin sabiex jassigura l-ammissibbiltà tal-provi.

L-UFFIĊĊJU EWROPEW KONTRA L-FRODI U L-UFFIĊĊJU TAL-PROSEKUTUR PUBBLIKU EWROPEW

91.

Il-kompożizzjoni attwali tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF ħadet il-kariga f’Jannar 2017. Mill-ħatra tiegħu, il-Kumitat ta attenzjoni partikolari lill-proċess tat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), kif previst mir-Regolament (UE) 2017/1939 tal-Kunsill, li ġie adottat fit-12 ta’ Ottubru 2017 wara l-kunsens tal-Parlament Ewropew.

92.

Fl-Opinjoni Nru 2/2017 tiegħu tat-28 ta’ Settembru 2017 li takkumpanja r-Rapport ta’ Evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, il-Kumitat iddedika kapitolu (il-Kapitolu VI) għall-impatt li jkollu t-twaqqif tal-UPPE fuq il-mandat tal-OLAF, inklużi konsegwenzi baġitarji. Aktar tard, fit-23 ta’ Novembru 2017, il-Kumitat ipparteċipa fl-iskambju ta’ opinjonijiet annwali mal-istituzzjonijiet (22) u kkunsidra tnejn mis-suġġetti ewlenin tar-relazzjoni futura bejn l-OLAF u l-UPPE: (i) it-trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-OLAF lill-UPPE; u (ii) l-appoġġ u l-kumplimentarjetà li jkun jeħtieġ li jipprovdi l-OLAF lill-UPPE jekk jintalab (l-Artikoli 24 u 101 tar-Regolament tal-UPPE).

93.

Il-Kumitat huwa lest li jipprovdi l-opinjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni u lil istituzzjonijiet oħrajn, minħabba l-impatt li jista’ jkollha l-applikazzjoni tar-Regolament tal-UPPE mhux biss fuq il-governanza tal-OLAF iżda wkoll fuq l-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva tiegħu u fuq ir-rwol ta’ monitoraġġ tal-Kumitat ta’ Sorveljanza.

94.

Fl-Opinjoni Nru 2/2017 tiegħu li takkumpanja r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-OLAF (UE, Euratom) Nru 883/2013, il-Kumitat identifika xi wħud mill-isfidi ewlenin li ser jiffaċċja l-OLAF bħala korp amministrattiv li jikkomplementa u jappoġġja l-ħidma tal-UPPE, b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

“Ir-rapportar tal-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed lill-UPPE dwar kwalunkwe mġiba kriminali li fir-rigward tagħha jkun jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu f’konformità mal-Artikoli 22 u 25(2) u (3) tar-Regolament tal-UPPE  (23)”.

95.

Ladarba l-OLAF mhuwiex permess li jiftaħ investigazzjoni amministrattiva parallela dwar l-istess fatti li fuqhom l-UPPE qed imexxi investigazzjoni kriminali, ikun ta’ importanza fundamentali għall-OLAF li jagħmel il-kontenut ta’ dan l-obbligu konsistenti mar-regoli u l-politika tal-OLAF dwar il-ftuħ/iċ-ċaħda u t-trasferiment tal-każijiet.

F’dan il-kuntest, ser ikunu meħtieġa dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-OLAF u l-UPPE qabel il-ftuħ u matul it-tmexxija ta’ investigazzjoni li potenzjalment tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xulxin f’data aktar tard. Dan ikun jeħtieġ ukoll regoli speċifiċi għal sistema ta’ komunikazzjoni effiċjenti bejn l-OLAF u l-UPPE sabiex jiggarantixxu li ma jkunx hemm duplikazzjoni tax-xogħol tagħhom u li l-mandat previst fl-Artikolu 101(2) tar-Regolament tal-UPPE jiġi ssodisfat. Fejn meħtieġ, id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu t-tip ta’ informazzjoni li l-OLAF huwa mitlub li jibgħat lill-Kumitat ta’ Sorveljanza jkollhom bżonn jiġu adattati.

96.

Ir-regoli dwar il-bidu, is-sospensjoni u l-waqfien ta’ investigazzjonijiet amministrattivi jeħtieġu kjarifika fir-riforma futura tar-Regolament tal-OLAF. Dawn ir-regoli jkollhom jikkunsidraw it-trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-OLAF lill-Kumitat ta’ Sorveljanza minħabba r-rwol speċifiku ta’ dan tal-aħħar fit-tisħiħ tal-indipendenza tal-OLAF fl-eżerċitar xieraq tal-kompetenzi tiegħu.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza huwa tal-fehma li l-kontribut tiegħu jista’ jgħin fl-indirizzar tad-diffikultajiet li jistgħu jinħolqu bejn l-OLAF u l-UPPE, li għadu kif ġie stabbilit, huma u jibnu r-relazzjoni tagħhom.

It-tmexxija ta’ investigazzjonijiet amministrattivi fuq talba tal-UPPE

97.

Il-Kumitat innota li r-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet finali mibgħuta mill-OLAF lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri ma ngħatawx segwitu f’madwar 50 % tal-każijiet. Mill-esperjenza ta’ monitoraġġ tal-Kumitat, ir-raġunijiet għal dan kienu ta’ natura diversa, u kienu jinkludu: (i) fatti allegatament kommessi iżda mhux meqjusa bħala reat kriminali; (ii) fatti mhux sostnuti bi provi jew sostnuti b’evidenza insuffiċjenti; u (iii) fatti li kienu preskritti.

98.

Dan jagħmilha aktar u aktar neċessarja li fir-riforma tar-Regolament tal-OLAF jiġu inklużi dispożizzjonijiet għat-twaqqif ta’ timijiet b’esperti fil-kontrolli nazzjonali tal-ġbir tal-evidenza u s-segwitu ġudizzjarju. L-OLAF ser ikollu bżonn jipprovdi assistenza ta’ kwalità għolja lill-UPPE f’konformità mar-regoli nazzjonali dwar l-ammissibbiltà tal-provi, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali.

99.

Il-Kumitat esprima lill-Kummissarju, is-Sur Günther Oettinger, ir-rieda tiegħu li jipparteċipa f’laqgħat preparatorji li jiżviluppaw ir-relazzjoni futura bejn l-OLAF u l-istabbiliment tal-UPPE, jekk ikun hekk meħtieġ.

L-għoti ta’ informazzjoni, analiżi forensika, għarfien espert u appoġġ operattiv lill-UPPE

100.

Il-Kumitat indika li l-emenda tar-Regolament tal-OLAF ser tkun opportunità sabiex jiġu mmodernizzati s-setgħat investigattivi tal-OLAF bil-għan li jkun kompletament operattiv fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-UPPE. Dan ikun partikolarment rilevanti għall-miżuri investigattivi li l-OLAF ikun intitolat li jieħu, filwaqt li fl-istess ħin jikkonforma mal-istess salvagwardji proċedurali validi għall-UPPE sabiex jiġu evitati fallimenti fil-proċessi kriminali futuri quddiem il-qrati nazzjonali. Kwistjonijiet oħrajn li jeħtieġu kunsiderazzjoni bħala parti mir-riforma tar-Regolament tal-OLAF jinkludu l-aċċess għal informazzjoni dwar trasferimenti ta’ flus f’konformità mal-liġi nazzjonali u l-promozzjoni ta’ kooperazzjoni mill-qrib ma’ unitajiet ta’ intelliġenza finanzjarja.

GOVERNANZA TAL-KUMITAT TA’ SORVELVANZA

Laqgħat ma’ istituzzjonijiet, korpi u aġenziji oħrajn tal-UE

101.

Il-Kumitat ikkontribwixxa b’mod attiv għall-iskambju ta’ fehmiet mal-istituzzjonijiet, kif stipulat fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013. Il-Kumitat organizza wkoll laqgħat regolari ma’, u pprovda assistenza esperta lil: (i) il-Kummissarju responsabbli għall-OLAF; (ii) il-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju tal-Parlament Ewropew; (iii) il-Grupp Kontra l-Frodi fil-Kunsill; u (iv) il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Metodi ta’ ħidma u trasparenza

102.

Fl-2017, il-Kumitat organizza għaxar laqgħat plenarji. Il-President, ir-rapporteurs u l-membri tas-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza ltaqgħu wkoll regolarment sabiex jaħdmu fuq kwistjonijiet partikolari. Għal kull kwistjoni importanti li eżamina, il-Kumitat ħatar rapporteur. Ir-rapporteurs ħadmu mas-Segretarjat tagħhom sabiex iħejju abbozzi ta’ rapporti, opinjonijiet jew dokumenti bil-għan li jiġu diskussi fil-laqgħat plenarji. Huma ltaqgħu wkoll mal-maniġment u l-persunal tal-OLAF bħala parti mit-tħejjija tal-opinjonijiet u r-rapporti tal-Kumitat. L-opinjonijiet tal-Kumitat dejjem kienu diskussi b’mod estensiv mal-OLAF qabel ġew iffinalizzati.

103.

Sabiex jiżgura trasparenza massima fil-ħidma tiegħu, il-Kumitat jippubblika dokumenti mhux kunfidenzjali ta’ interess pubbliku fuq is-sit web interistituzzjonali tiegħu: http://europa.eu/supervisory-committee-olaf/.

Is-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

104.

Is-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza huwa magħmul minn avukati u assistenti li jiżguraw il-monitoraġġ ta’ kuljum tal-attivitajiet investigattivi tal-OLAF u jassistu lill-membri tal-Kumitat fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

105.

Ir-rwol tas-Segretarjat huwa li jikkontribwixxi għat-twettiq effiċjenti tal-kompiti assenjati lill-Kumitat ta’ Sorveljanza bil-għan li tissaħħaħ l-indipendenza tal-OLAF, b’mod partikolari fir-rigward tal-funzjoni ta’ monitoraġġ tal-Kumitat. Is-Segretarjat huwa responsabbli wkoll sabiex jagħti pariri legali lill-membri tal-Kumitat. Fl-2017, is-Segretarjat kellu total ta’ tmien karigi, allokati għal ħames amministraturi (avukati), żewġ assistenti u aġent kuntrattwali wieħed. Madankollu, tliet karigi minnhom ma mtlewx (żewġ assistenti u avukat wieħed), li wasslu biex tiddgħajjef il-kapaċità ta’ appoġġ tas-Segretarjat.

106.

Wara emenda fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 (24), is-Segretarjat tal-Kumitat issa qed jiġi pprovdut direttament mill-Kummissjoni Ewropea b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat ta’ Sorveljanza. Is-Segretarjat qed jaħdem b’mod indipendenti mill-OLAF taħt l-istruzzjonijiet tal-Kumitat. Għal dak il-għan, is-Segretarjat huwa assoċjat b’mod amministrattiv mal-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali tal-Kummissjoni Ewropea (PMO). Issa, sena wara l-bidla għall-PMO, jista’ jintqal li r-riżultati ta’ din il-bidla ma laħqux l-aspettattivi tal-Kumitat. Il-Kumitat indika lill-Kummissjoni Ewropea li jrid jinstab post aktar xieraq għas-Segretarjat tal-Kumitat. Din il-bidla ser tippermetti lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kumitat jikkunsidraw l-għażliet kollha possibbli għall-aħjar post sabiex jillokalizzaw is-Segretarjat, inkluż billi jerġgħu jirrevedu l-għażla oriġinali li s-Segretarjat jerġa’ jsir parti mill-OLAF, għalkemm taħt kundizzjonijiet differenti.

107.

Skont ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Sorveljanza (25) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-OLAF, il-persunal tas-Segretarjat jista’ jirċievi struzzjonijiet biss mill-Kumitat (26). Il-Kummissjoni hija l-istituzzjoni tal-UE responsabbli li tipprovdi l-baġit u riżorsi oħrajn meħtieġa sabiex il-Kumitat u s-Segretarjat ikunu jistgħu jissodisfaw il-mandat tagħhom.

Kwistjonijiet baġitarji

108.

Il-baġit tal-Kumitat għas-sena koperta minn dan ir-rapport kien ta’ EUR 200 000 u l-livell ta’ eżekuzzjoni tal-baġit kien ta’ 99,63 %. L-Uffiċjal Awtorizzanti b’Sottodelega responsabbli għan-nefqa huwa l-PMO.

(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (OLAF) (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(2)  L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

(3)  Ara s-sit web tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF: http://europa.eu/supervisory-committee-olaf/sites/default/files/opinion_2_2017.pdf

(4)  Nota tal-OLAF “Ir-rapportar tal-OLAF għall-2017 dwar l-implimentazzjoni tiegħu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza” — Ares(2018)781022.

(5)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza Nru 2/2015 “Verifika u rieżami tal-legalità fl-OLAF”.

(6)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza Nru 2/2013 “It-twaqqif ta’ proċedura interna tal-OLAF għall-ilmenti” u Rapporti ta’ Attività tal-Kumitat ta’ Sorveljanza mill-2014 sal-2016.

(7)  Ara l-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza Nru 2/2017, b’mod partikolari l-punti 11 u 24 tal-Kapitolu II.

(8)  Noti mibgħuta mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF lill-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar l-Ilmenti lill-OLAF rigward il-garanziji proċedurali skont il-proċedura tal-ilmenti tal-OLAF mill-2014 sal-2017.

(9)  Erba’ rapporti tal-każijiet finali tal-OLAF b’mod ġenerali.

(10)  Ara “Linji Gwida dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni għall-Persunal tal-OLAF” (l-Artikoli 1 sa 7 tal-Kapitolu I) adottati mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF fuq il-bażi tal-Artikolu 17(8) tar-Regolament tal-OLAF (UE) Nru 883/2013.

(11)  Ara l-Opinjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza Nru 4/2014 “Kontroll tat-tul tal-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi”, p. 3., u Nru 2/2009 “Rapporti tal-OLAF dwar Investigazzjonijiet li ilhom għaddejjin għal aktar minn disa’ xhur”.

(12)  Mira għall-perċentwal ta’ investigazzjonijiet li ilhom għaddejjin aktar minn 20 xahar għall-2017 kienet indikata bħala inqas minn 30 % fil-Pjan ta’ Ġestjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għall-2017, p. 5.

(13)  Dan il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ isaħħaħ l-indipendenza tal-OLAF fl-eżerċitar xieraq tal-kompetenzi tiegħu u huwa ta’ natura differenti mill-proċeduri ta’ kontroll intern previsti fl-Artikolu 17.8 tar-Regolament tal-OLAF u integrati fil-linji gwida dwar il-proċeduri ta’ investigazzjoni għall-persunal tal-OLAF adottati mid-Direttur Ġenerali (inkluża l-analiżi finali mill-Unità tal-Għażla u l-Analiżi tal-Investigazzjonijiet – l-Artikolu 21).

(14)  Mibgħuta mill-OLAF lill-Kumitat ta’ Sorveljanza fl-2017.

(15)  L-Artikolu 7(8) tar-Regolament tal-OLAF jaqra “Jekk investigazzjoni ma tkunx tista’ tingħalaq fi żmien 12-il xahar wara li tkun infetħet, id-Direttur Ġenerali għandu jirrapporta, malli jiskadi dak il-perjodu ta’ 12-il xahar u f’intervalli ta’ sitt xhur wara dan, lill-Kumitat ta’ Sorveljanza, filwaqt li jindika r-raġunijiet u l-miżuri ta’ rimedju previsti bil-ħsieb li titħaffef l-investigazzjoni”.

(16)  Minflok ma jispeċifikaw il-miżuri ta’ rimedju li ttieħdu sabiex titħaffef l-investigazzjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha, xi wħud mir-“rapporti ta’ 12-il xahar” indikaw biss x’kien l-istat attwali tal-każ, jiġifieri li r-rapport finali ġie ppreżentat lill-maniġment għall-approvazzjoni, li r-rapport finali kien qed jiġi abbozzat jew li l-investigazzjoni kienet qed tkompli bl-implimentazzjoni tagħha bħas-soltu. Il-Kumitat identifika wkoll għadd ta’ każijiet li fihom l-OLAF iddikjara li ma hemm ebda ħtieġa li jiġu adottati xi miżuri ta’ rimedju jew li ser jiġi adottat ir-rapport tal-każijiet finali, jew fejn ir-rapport ipprovda biss indikazzjoni ta’ x’tip ta’ xogħol jenħtieġ li jsir fil-fajl tal-każ (inklużi t-traduzzjoni, l-iffajljar, ir-reklutaġġ ta’ investigatur, il-kuntatt mas-sorsi ta’ informazzjoni).

(17)  Fost l-417-il “rapport ta’ 12-il xahar” mibgħuta mill-OLAF lill-Kumitat ta’ Sorveljanza, il-Kumitat jista’ jindika seba’ eżempji ta’ rapporti ta’ 12-il xahar (għal każijiet li jdumu għaddejjin aktar minn 24 xahar) li huwa jqis li huma partikolarment prattika ħażina u ħames eżempji li f’dan il-kuntest jistgħu jitqiesu bħala prattika aħjar, minkejja li ma kinux biżżejjed sabiex il-Kumitat jevalwa jekk it-tul tal-każ kienx proporzjonat għaċ-ċirkostanzi u l-kumplessità tal-każ.

(18)  F’erba’ każijiet magħluqa li għalihom il-Kumitat ingħata aċċess fl-2017, tnejn biss kellhom dokument ta’ ppjanar inizjali fost id-dokumenti tal-fajl tal-każ li jistgħu jitqiesu bħala “pjan ta’ investigazzjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tal-“Linji Gwida dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni għall-Persunal tal-OLAF” (jiġifieri eżami preliminari tal-informazzjoni miġbura fil-proċess tal-għażla). Fit-tielet każ, ġiet ippreżentata nota tal-istat attwali għal finijiet ta’ informazzjoni jew għat-trasferiment tal-każ. Ir-raba’ każ ma kien jinkludi ebda dokument bħal dan.

(19)  Spjegazzjonijiet mogħtija lill-membru tal-Kumitat mid-diretturi tad-Direttorati A u B tal-OLAF waqt laqgħa ta’ ħidma fl-14.12.2017 u mill-aġent Direttur Ġenerali tal-OLAF lill-Kumitat waqt laqgħa fit-23.1.2018.

(20)  Ara l-Anness 2 mehmuż mal-Opinjoni tal-Kumitat Nru 4/2014 “Kontroll tat-tul tal-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi”. Il-formola mudell tista’ tiġi adattata faċilment għall-kontenut tal-Artikolu 7(8) tar-Regolament tal-OLAF (UE) Nru 883/2013.

(21)  Primarjament il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej u l-protokolli addizzjonali tagħha.

(22)  L-Artikolu 16 “Skambju ta’ fehmiet mal-istituzzjonijiet” tar-Regolament tal-OLAF.

(23)  L-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-UPPE) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(24)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2016/2030 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, fir-rigward tas-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 1). Ir-Regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017.

(25)  Ara l-Artikolu 11 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Sorveljanza li huma ppubblikati fil-ĠU L 308, 24.11.2011, p. 114.

(26)  L-Artikolu 15(8) tar-Regolament tal-OLAF jaqra: “Is-segretarjat tiegħu [tal-Kumitat ta’ Sorveljanza] għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni, b’mod indipendenti mill-Uffiċċju u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat ta’ Sorveljanza. Qabel ma jinħatar kwalunkwe membru tal-persunal fis-segretarjat, il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jiġi kkonsultat u l-fehmiet tiegħu għandhom jitqiesu. Is-segretarjat għandu jaġixxi fuq l-istruzzjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza u b’mod indipendenti mill-Kummissjoni. Mingħajr preġudizzju għall-kontroll tagħha fuq il-baġit tal-Kumitat ta’ Sorveljanza u tas-segretarjat tiegħu, il-Kummissjoni m’għandhiex tindaħal fil-funzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-Kumitat ta’ Sorveljanza”.