ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 388A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
26 ta' Ottubru 2018


Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 388 A/01

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA) — Pubblikazzjoni ta’ post vakanti għall-funzjoni ta’ Direttur Eżekuttiv — (Aġent Temporanju — Grad AD 14) — COM/2018/20032

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

26.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 388/1


L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA)

Pubblikazzjoni ta’ post vakanti għall-funzjoni ta’ Direttur Eżekuttiv

(Aġent Temporanju — Grad AD 14)

COM/2018/20032

(2018/C 388 A/01)

 

Min aħna

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA, European Union Agency for Network and Information Security) ġiet stabbilita fl-2004, bil-mandat biex tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fl-Unjoni.

Minn dan iż-żmien, l-Aġenzija saret ċentru modern ta’ għarfien espert fiċ-ċibersigurtà li jappoġġja lill-Istati Membri tal-UE, lill-Istituzzjonijiet, lill-Aġenziji u lill-Entitajiet, kif ukoll lis-settur privat, bil-ħsieb li tiżdied ir-reżiljenza tal-Unjoni u b’hekk il-funzjonament tas-Suq Uniku. B’mod partikolari, l-ENISA tipprovdi appoġġ fl-oqsma tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika, il-bini tal-kapaċità, il-kooperazzjoni u s-sensibilizzazzjoni.

L-ENISA għandha rwol importanti fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (“id-Direttiva NIS”), li tirrappreżenta l-ewwel liġi komuni għall-UE kollha dwar iċ-ċibersigurtà. B’mod partikolari, l-ENISA tipprovdi s-segretarjat għan-Network tar-Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters (CSIRTs, Computer Security Incident Response Teams), il-pedament tal-kooperazzjoni operazzjonali, u tintalab ukoll biex tgħin lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

F’Settembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-proposta għall-“Att dwar iċ-Ċibersigurtà”, li jinkludi mandat ġdid għal ENISA u l-istabbiliment ta’ qafas tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tal-prodotti u s-servizzi tal-ICT. Il-proposta, li bħalissa qiegħda tiġi nnegozjata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew, tirrappreżenta riforma ambizzjuża ta’ ENISA, aġenzija msaħħa tas-sigurtà ċibernetika, fost l-oħrajn billi tagħmel il-mandat tagħha permanenti u ssaħħaħ il-kontribut tal-Aġenzija għall-prevenzjoni u r-rispons għal inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà transfruntiera, kif ukoll billi tappoġġja l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE fiċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

ENISA hija bbażata fil-Greċja, b’uffiċċji f’Heraklion (Kreta) u Ateni. Bħalissa timpjega 83 persuna u hija fdata b’baġit annwali ta’ madwar EUR 11-il miljun. Mingħajr preġudizzju għall-eżitu tan-negozjati, huwa mistenni li r-riżorsi tal-Aġenzija jiżdiedu b’mod sinifikanti meta l-mandat il-ġdid jidħol fis-seħħ.

X’qed nipproponu

Noffru post ta’ maniġer superjuri biex imexxi tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti li jkunu ntalbu biex jappoġġjaw prijorità ewlenija għall-futur tal-Unjoni Ewropea.

Id-Direttur Eżekuttiv ta’ ENISA huwa r-rappreżentant legali u jieħu ħsieb ir-relazzjonijiet pubbliċi tal-Aġenzija u huwa responsabbli għall-Bord ta’ Tmexxija tagħha, li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea.

Id-Direttur Eżekuttiv se jmexxi u jimmaniġġja l-Aġenzija u jieħu responsabbiltà sħiħa għall-operazzjonijiet tagħha, billi jiżgura li jintlaħqu l-objettivi tal-Aġenzija. Ir-responsabbiltajiet speċifiċi tad-Direttur Eżekuttiv jinkludu:

Jiżviluppa u jwettaq l-attivitajiet tal-Aġenzija skont il-missjoni tagħha u l-orjentament ġenerali definit mill-Bord ta’ Tmexxija;

Ikun involut fir-reklutaġġ u s-superviżjoni tal-persunal tal-Aġenzija u jrawwem spirtu ta’ tim u ta’ ambjent ta’ xogħol xieraq;

Jieħu sehem, mingħajr id-dritt għall-vot, fil-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija, jirrapporta lill-Bord ta’ Tmexxija u jipprovdilu x-xogħol ta’ segretarjat;

Jadotta deċiżjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tal-Aġenzija;

Iħejji u jwettaq il-baġit tal-Aġenzija u jiżgura li dan ikun ġestit b’mod effiċjenti u skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda;

Iwettaq l-abbozzar u l-implimentazzjoni tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni, inkluż il-programm annwali ta’ ħidma, u jiżgura l-aktar użu effettiv tar-riżorsi tiegħu;

Jimmaniġġja r-riżorsi tal-Aġenzija, billi jagħti prijorità partikolari għall-parti operattiva tal-missjoni tal-Aġenzija;

Jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati tal-Aġenzija biex tiġi żviluppata strateġija komuni għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet marbuta maċ-ċibersigurtà;

Jistabbilixxi kooperazzjoni effettiva bejn l-Aġenzija u l-korpi kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tal-attivitajiet tagħha;

Jikkomunika b’mod diretta u indirett mal-pubbliku dwar il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu fl-ambitu tal-missjoni tal-Aġenzija.

X’ qegħdin infittxu (kriterji għall-għażla)

Il-kandidat magħżul għandu jkun professjonist eċċezzjonali u dinamiku li jenħtieġ li jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

Kompetenzi Maniġerjali, b’mod partikolari:

Rekord ippruvat ta’ ġestjoni f’livell maniġerjali b’suċċess ta’ timijiet kbar u proġetti, inkluża l-kapaċità ta’ tmexxija, motivazzjoni u żvilupp tal-potenzjal ta’ tim bi sfondi multinazzjonali u multidixxiplinari; Esperjenza miksuba f’ambjent multikulturali tkun ta’ vantaġġ.

Esperjenza fil-ġestjoni ta’ riżorsi finanzjarji sinifikanti f’ambjent nazzjonali, Ewropew u / jew internazzjonali, inkluż l-ippjanar baġitarju u l-kontroll intern (1).

Kapaċità li jaħdem taħt pressjoni qawwija u jżomm attitudni professjonali waqt li jiġġestixxi r-responsabbiltajiet tiegħu.

Kapaċità li jikkontribwixxi għall-viżjoni strateġika u jimplimentaha għall-Aġenzija, kif definit mill-Bord ta’ Tmexxija, u jimmobilizza l-appoġġ tal-partijiet ikkonċernati.

Kapaċità li jżomm relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet tal-UE u mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u jagħraf l-implikazzjonijiet marbutin mar-relazzjonijiet pubbliċi tar-rwol.

Kompetenzi tekniċi, b’mod partikolari:

Fehim fil-fond ta’ kwistjonijiet ewlenin ta’ ċibersigurtà, inklużi kwistjonijiet ta’ ambitu strateġiku, regolatorju, politiku u industrijali, fuq livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali.

Fehim tajjeb tal-istituzzjonijiet, l-Aġenziji u l-Korpi tal-Unjoni Ewropea u kif dawn joperaw u jinteraġixxu.

Esperjenza fil-qasam taċ-ċibersigurtà miksuba f’amministrazzjoni nazzjonali, Ewropea, pubblika jew internazzjonali jew f’entità mhux pubblika b’rabta qawwija mas-settur pubbliku tkun ta’ vantaġġ.

Esperjenza f’timijiet ta’ tmexxija fil-qasam taċ-ċibersigurtà tkun ta’ vantaġġ.

Komunikazzjoni u aktar kompetenzi, b’mod partikolari:

Kapaċità u esperjenza evidenzjati ta’ komunikazzjoni effettiva u effiċjenti mal-pubbliku u ta’ kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha; Esperjenza f’kuntesti ta’ komunikazzjoni f’każijiet ta’ kriżi tkun ta’ vantaġġ.

Ħiliet eċċellenti interpersonali, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, u ħiliet organizzattivi u ta’ negozjar u l-kapaċità ta’ bini ta’ relazzjonijiet ta’ ħidma fdati mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u ma’ partijiet ikkonċernati oħra;

Għarfien tajjeb ħafna tal-Ingliż, li hija l-lingwa tal-ħidma tal-Aġenzija, ikun ta’ vantaġġ.

Kundizzjonijiet essenzjali (il-kriterji ta' eliġibbiltà)

Il-kandidati jiġu kkunsidrati għall-fażi tal-għażla abbażi tar-rekwiżiti formali li ġejjin, li jridu jiġu ssodisfati sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

Nazzjonalità: il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Lawrja jew diploma universitarja: il-kandidati jrid ikollhom:

jew livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma u ċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ (4) snin jew aktar;

inkella livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma u ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet (3) snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali ta’ wara l-lawrja meħtieġa hawn taħt).

Esperjenza professjonali (2): il-kandidati jrid ikollhom minn tal-inqas 15-il sena ta’ esperjenza professjonali wara l-lawrja f’livell li jagħtu aċċess għalih il-kwalifiki msemmija hawn fuq. Mill-inqas ħames (5) snin minn din l-esperjenza professjonali trid tkun fil-qasam tal-attivitajiet tal-aġenzija.

Esperjenza fil-ġestjoni: mill-anqas ħames (5) snin mill-esperjenza professjonali post-universitarja jridu jkunu nkisbu f’funzjoni ta’ ġestjoni ta’ livell għoli (3).

Lingwi: il-kandidati jrid ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4) u għarfien adegwat ta’ lingwa uffiċjali oħra. Matul l-intervista / intervisti, il-bordijiet tal-għażla jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li parti mill-intervista ssir f’din il-lingwa l-oħra;

Limitu tal-età: sad-data tal-għeluq tal-applikazzjoni, il-kandidati jrid ikunu kapaċi jlestu l-mandat sħiħ ta’ ħames (5) snin (ara wkoll l-ewwel nota ta’ qiegħ il-paġna fit-taqsima dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg) qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar. Għal persunal temporanju tal-Unjoni Ewropea, l-età tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq l-età ta’ 66 sena (ara l-Artikolu 47 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (5)).

Barra minn hekk, il-kandidati jridu jkunu wettqu kull obbligu impost mil-liġi dwar is-servizz militari, jipproduċu r-referenzi tal-karattru adatti rigward l-idoneità tagħhom għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom u għandhom ikunu fiżikament f’saħħithom biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom.

Għażla u ħatra

Id-Direttur Eżekuttiv se jinħatar mill-Bord tat-Tmexxija tal-ENISA abbażi ta’ lista mqassra ta’ kandidati mħejjija mill-Kummissjoni Ewropea.

Biex tiġi stabbilita din il-lista mqassra, il-Kummissjoni Ewropea torganizza l-għażla f'konformità mal-proċeduri ta’ għażla u reklutaġġ tagħha (ara: id-Dokument dwar il-Politika għall-Uffiċjali b’Kariga Għolja (6)).

Bħala parti minn dan il-proċess tal-għażla, il-Kummissjoni Ewropea twaqqaf bord ta’ preselezzjoni. Dan il-bord janalizza l-applikazzjonijiet kollha, jipproċedi bl-ewwel verifika tal-eliġibbiltà u jidentifika lill-kandidati li jkollhom l-aħjar profil skont il-kriterji għall-għażla msemmija hawn fuq, u li jistgħu jiġu mistiedna għal intervista mal-bord ta’ preselezzjoni. li fiha jipparteċipa rappreżentant tal-Bord tat-Tmexxija tal-ENISA bħala osservatur.

Wara dawn l-intervisti, il-bord ta’ preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta’ kandidati għal aktar intervisti mal-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatriet tal-Kummissjoni Ewropea (KKĦ). Il-KKĦ, filwaqt li jqis il-konklużjonijiet tal-bord ta’ preselezzjoni, jiddeċiedi dwar il-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.

Il-kandidati msejħa għal intervista mal-KKĦ jipparteċipaw għal ġurnata sħiħa f’ċentru ta’ evalwazzjoni tal-kompetenzi ta’ ġestjoni, immexxija minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ. Abbażi tar-riżultati tal-intervista u r-rapport taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, il-KKĦ jistabbilixxi lista preliminari tal-kandidati li jikkunsidra xierqa biex jaqdu l-funzjonijiet ta’ Direttur Eżekuttiv tal-ENISA.

Il-kandidati fuq il-lista mqassra tal-KKĦ jiġu intervistati mill-Kummissarju/i rilevanti (7).

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni Ewropea tadotta lista mqassra tal-kandidati l-aktar xierqa, li tiġi kkomunikata lill-Bord Amministrattiv tal-ENISA. Dan tal-aħħar jista’ jiddeċiedi li jintervista l-kandidati qabel jaħtar lid-Direttur minn fost il-kandidati fuq il-lista preliminari tal-Kummissjoni. L-inklużjoni fil-lista mqassra ma tiggarantix il-ħatra.

Il-kandidati jistgħu jkunu meħtieġa jagħmlu iktar intervisti u / jew testijiet minbarra dawk indikati hawn fuq. Dawn jistgħu jkunu meħtieġa wkoll biex jagħmlu dikjarazzjoni quddiem il-kumitat(i) rilevanti tal-Parlament Ewropew.

Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista’ ikun fl-interess tal-kandidati kif ukoll tal-istituzzjoni, il-proċedura tal-għażla ssir biss bl-Ingliż u / jew bil-Franċiż (8).

Opportunitajiet indaqs

Il-Kummissjoni Ewropea u l-ENISA japplikaw politika ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ nondiskriminazzjoni f’konformità mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal (9).

Kundizzjonijiet tal-impjieg (10)

Is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma elenkati fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra (11).

Il-kandidat magħżul jiġi impjegat mill-Bord ta’ Tmexxija tal-ENISA bħala Aġent Temporanju fil-grad ta’ AD 14 (12). Il-kandidat li jintgħażel jiġi kklassifikat abbażi tat-tul ta’ żmien tal-esperjenza professjonali preċedenti tiegħu fl-iskala 1 jew 2 fi ħdan dak il-grad.

Skont ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), huwa / hija se jinħatar / tinħatar għal mandat inizjali ta’ ħames (5) snin b’possibbiltà ta’ estensjoni għal massimu ta’ ħames (5) snin. Bħalissa dan ir-Regolament jinsab taħt reviżjoni permezz tal-Att taċ-Ċibersigurtà propost (COM (2017) 477).

L-applikanti għandhom jinnotaw ir-rekwiżit, skont il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra għall-persunal ġdid kollu, li jwettqu b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ (9) xhur.

Il-post tax-xogħol huwa fil-Greċja skont id-Deċiżjoni 2004/97/KE (14), Euratom, adottata fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2003, u t-termini tal-arranġament dwar postijiet tax-xogħol bejn il-gvern Grieg u l-ENISA.

Il-post huwa disponibbli mis-16 ta’ Ottubru 2019.

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Qabel jibda jaqdi dmirijietu, id-Direttur jintalab jagħmel dikjarazzjoni ta' impenn li jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u li jiddikjara kull interess li jista’ jitqies bħala li jippreġudika l-indipendenza tiegħu.

Proċedura ta’ applikazzjoni

Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b’attenzjoni jekk tissodisfax ir-rekwiżiti kollha tal-eliġibbiltà (“Kundizzjonijiet essenzjali”), b’mod partikolari dawk rigward it-tip ta’ diplomi, u l-esperjenza professjonali ta’ livell għoli kif ukoll il-ħiliet lingwistiċi meħtieġa. Min ma jissodisfax xi waħda minn dawn ir-rekwiżiti ta' eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk tixtieq tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet fis-sit web li ġej u ssegwi l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw l-istadji diversi tal-proċedura:

https://ec.europa.eu/dgs/human-riżorsi/seniormanagementvacancies/

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex tkun ikkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jinżamm kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura. Għaldaqstant, informa lill-Kummissjoni Ewropea b’kull bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jenħtieġ li ttella’ CV fil-format PDF u li timla online ittra ta’ motivazzjoni (massimu ta’ 8 000 karattru).

Meta tlesti r-reġistrazzjoni online tiegħek, tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek tkun ġiet irreġistrata. Jekk ma tirċievi l-ebda konferma bil-posta elettronika, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Innota li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Se tiġi kkuntattjat rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek direttament mill-Kummissjoni Ewropea.

Għal aktar informazzjoni u / jew fil-każ ta’ problemi tekniċi, ibgħat ittra permezz tal-posta elettronika lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija s-27 ta’ Novembru 2018, f'nofsinhar (12.00) ħin ta’ Brussell, u wara dan ir-reġistrazzjoni ma tkunx tista’ ssir aktar.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tlesti r-reġistrazzjoni online tiegħek fil-ħin. Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, peress li għadd kbir ta’ persuni fuq l-internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tintemm qabel ma tkun lestejtha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkun tista’ tibdel jew iżżid l-ebda data. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Informazzjoni importanti għall-kandidati

Il-kandidati huma mfakkra li x-xogħol tad-diversi kumitati tal-għażla huwa kunfidenzjali. Il-kandidati huma pprojbiti milli jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri tagħhom jew li ħaddieħor jagħmel dan f’isimhom. Kull mistoqsija għandha tiġi indirizzata lis-segretarjat tal-bord rilevanti.

Protezzjoni tad-data personali

Il-Kummissjoni tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (15). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali data.


(1)  Il-persunal u l-amministrazzjoni finanzjarja tal-Aġenzija huma rregolati mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (1962R0031) u d-Deċiżjoni Nru MB/2014/1 WP tal-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni rispettivament.

(2)  L-esperjenzi professjonali għandhom jitqiesu mid-data li fiha l-persuna tissodisfa l-kwalifiki minimi għall-ingaġġ. Kull perjodu partikolari jista’ jingħadd darba biss (sabiex jitqiesu bħala eliġibbli, snin ta’ studji jew ta’ esperjenza professjonali li jridu jitqiesu ma għandhomx jikkoinċidu ma’ perjodi oħra ta’ studji jew esperjenza professjonali). L-attivitajiet professjonali mwettqa part-time se jitqiesu pro rata abbażi perċentwal iċċertifikat ta’ sigħat ta’ xogħol full-time maħduma

(3)  Fil-curriculum vitae (CV) tagħhom il-kandidati għandhom jindikaw b'mod ċar, għas-snin kollha, x’tip ta' esperjenza ta’ ġestjoni tkun inkisbet: (1) it-titlu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li jkunu okkupaw; (2) l-għadd ta’ persunal li jkunu mexxew f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits ġestiti; (4) l-għadd ta’ livelli ġerarkiċi ’l fuq u ’l isfel; u (5) l-għadd ta’ persunal fl-istess livell.

(4)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01958R0001-20130701&qid=1408533709461&from=MT

(5)  http://eurlex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

(6)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/compilation-of-the-senior-official-policy-at-the-european-commission_en.pdf

(7)  Sakemm il-Membru tal-Kummissjoni kkonċernat ma jkunx iddelega dan il-kompitu lil Membru ieħor tal-Kummissjoni, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2007 (PV (2007) 1811).

(8)  Il-bord tal-għażla jiżgura li ma jingħata l-ebda vantaġġ inġust lill-kelliema nattivi ta’ dawn il-lingwi.

(9)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20140701&from=MT

(10)  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE bħalissa qed jiddiskutu Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ENISA, l-“Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà”, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013, u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (“l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà”). Il-proposta tal-Kummissjoni hija biex jinżamm l-arranġament ta’ postijiet tax-xogħol skont id-Deċiżjoni 2004/97/KE/Euratom dwar il-lokazzjoni tal-post tax-xogħol ta’ ċerti uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni Ewropea, u d-durata tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 526/2013 dwar l-ENISA attwalment fis-seħħ.

(11)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20140701&from=MT

(12)  Il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea għal Greċja hija ta’ 79,9 % mill-1 ta’ Lulju 2017. Dan il-koeffiċjent huwa suġġett għal reviżjoni annwali.

(13)  ĠU L 165, 18.6.2013, p. 41.

(14)  ĠU L 29, 3.2.2004, p. 15.

(15)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.