ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 331

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
18 ta' Settembru 2018


Werrej

Paġna

 

 

IL-PARLAMENT EWROPEW
SESSJONI 2017–2018
Dati tas-seduti: 12-15 ta’ Ġunju 2017
Il-Minuti ta’ din is-sessjoni ġew ippubblikati fil- ĠU C 68, 22.2.2018 .
TESTI ADOTTATI

1


 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Parlament Ewropew

 

It-Tlieta 13 ta’ Ġunju 2017

2018/C 331/01

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar iż-żieda fl-involviment tas-sħab u l-viżibilità fil-prestazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (2016/2304(INI))

2

2018/C 331/02

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar il-kosteffikaċja tas-7 Programm ta' Riċerka (2015/2318(INI))

10

2018/C 331/03

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja (2016/2220(INI))

17

2018/C 331/04

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar fużjonijiet u xissjonijiet transfruntieri (2016/2065(INI))

25

2018/C 331/05

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 fid-dawl tal-evalwazzjoni interim tiegħu u tal-proposta għad-9 Programm Qafas (2016/2147(INI))

30

2018/C 331/06

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-elementi fundamentali għal politika ta' koeżjoni tal-UE wara l-2020 (2016/2326(INI))

41

2018/C 331/07

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-istat tal-istokkijiet tal-ħut u s-sitwazzjoni soċjoekonomika tas-settur tas-sajd fil-Mediterran (2016/2079(INI))

50

 

L-Erbgħa 14 ta’ Ġunju 2017

2018/C 331/08

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex titwaqqaf u tiġi evitata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel (2016/2061(INI))

60

2018/C 331/09

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar is-Serbja (2016/2311(INI))

71

2018/C 331/10

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar il-Kosovo (2016/2314(INI))

80

2018/C 331/11

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2016/2310(INI))

88

2018/C 331/12

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2017/2703(RSP))

97

2018/C 331/13

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 Dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladesh (2017/2636(RSP))

100

 

Il-Ħamis 15 ta’ Ġunju 2017

2018/C 331/14

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-każ tal-ġurnalist Ażerbajġani Afgan Mukhtarli (2017/2722(RSP))

105

2018/C 331/15

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-Pakistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-piena tal-mewt (2017/2723(RSP))

109

2018/C 331/16

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Indoneżja (2017/2724(RSP))

113

2018/C 331/17

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (2016/2064(INI))

116

2018/C 331/18

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva (2017/2003(INI))

125

2018/C 331/19

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-pjattaformi online u s-suq uniku diġitali (2016/2276(INI))

135

2018/C 331/20

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (2017/2727(RSP))

146

2018/C 331/21

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-fondazzjonijiet politiċi f'livell Ewropew (2017/2733(RSP))

150


 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Parlament Ewropew

 

L-Erbgħa 14 ta’ Ġunju 2017

2018/C 331/22

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Rolandas Paksas (2016/2070(IMM))

151

2018/C 331/23

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Mylène Troszczynski (2017/2019(IMM))

153

2018/C 331/24

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-Marie Le Pen (2017/2020(IMM))

155

 

Il-Ħamis 15 ta’ Ġunju 2017

2018/C 331/25

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Marine Le Pen (2017/2021(IMM))

157


 

III   Atti preparatorji

 

IL-PARLAMENT EWROPEW

 

It-Tlieta 13 ta’ Ġunju 2017

2018/C 331/26

P8_TA(2017)0249
Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) imwettqa b'mod konġunt minn bosta Stati Membri (COM(2016)0662 – C8-0421/2016 – 2016/0325(COD))
P8_TC1-COD(2016)0325
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta’ Ġunju 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2017/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li pparteċipaw fiha b'mod konġunt diversi Stati Membri

159

2018/C 331/27

P8_TA(2017)0250
Miżuri speċifiċi għall-provvista ta' assistenza addizzjonali lill-Istati Membri affettwati minn diżastri naturali ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi għall-provvista ta' assistenza addizzjonali lill-Istati Membri affettwati minn diżastri naturali (COM(2016)0778 – C8-0489/2016 – 2016/0384(COD))
P8_TC1-COD(2016)0384
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta’ Ġunju 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi għall-provvista ta' assistenza addizzjonali lill-Istati Membri affettwati minn diżastri naturali

162

2018/C 331/28

P8_TA(2017)0251
It-tikkettar tal-effiċjenza tal-enerġija ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-effiċjenza tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (COM(2015)0341 – C8-0189/2015 – 2015/0149(COD))
P8_TC1-COD(2015)0149
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta’ Ġunju 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE

163

2018/C 331/29

P8_TA(2017)0252
Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 (COM(2016)0400 – C8-0223/2016 – 2016/0186(COD))
P8_TC1-COD(2016)0186
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Ġunju 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2017/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033

165

 

L-Erbgħa 14 ta’ Ġunju 2017

2018/C 331/30

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti u biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għar-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima (COM(2016)0482 – C8-0331/2016 – 2016/0231(COD))

166


Tifsira tas-simboli użati

*

Proċedura ta' konsultazzjoni

***

Proċedura ta' approvazzjoni

***I

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari

***II

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari

***III

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tielet qari

(It-tip ta' proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta' att)

Emendi tal-Parlament:

Il-partijiet tat-testi l-ġodda huma indikati permezz tat-tipa korsiva u grassa . Il-partijiet tat-test imħassra huma indikati permezz tas-simbolu ▌ jew huma ingassati. Is-sostituzzjoni hija indikata billi t-test il-ġdid jiġi indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa u billi jitħassar jew jiġi ingassat it-test sostitwit.

MT

 


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/1


IL-PARLAMENT EWROPEW

SESSJONI 2017–2018

Dati tas-seduti: 12-15 ta’ Ġunju 2017

Il-Minuti ta’ din is-sessjoni ġew ippubblikati fil- ĠU C 68, 22.2.2018 .

TESTI ADOTTATI

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Parlament Ewropew

It-Tlieta 13 ta’ Ġunju 2017

18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/2


P8_TA(2017)0245

Iż-żieda fl-involviment tas-sħab u l-vizibbiltà fil-prestazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar iż-żieda fl-involviment tas-sħab u l-viżibilità fil-prestazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (2016/2304(INI))

(2018/C 331/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 174, 175 u 177 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1) (ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni),

wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 tas-7 ta' Jannar 2014 dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-investiment f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: valutazzjoni tar-rapport taħt l-Artikolu 16(3) tas-CPR (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tal-Fondi SIE – l-impatt fuq il-politika ta' koeżjoni u t-triq 'il quddiem, (4)

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2016 dwar għodod ġodda għall-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014–2020 (6),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2016 dwar ir-riżultati u l-elementi ġodda tal-politika ta' koeżjoni u l-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej (7),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “L-iżgurar tal-viżibilità tal-politika ta' koeżjoni: Regoli ta' informazzjoni u komunikazzjoni 2014-2020” (8),

wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Flash 423 ta' Settembru 2015 ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea bl-isem “Citizens' awareness and perceptions of EU: Regional Policy” (Is-sensibilizzazzjoni u l-perċezzjonijiet taċ-ċittadini tal-UE: Il-politika reġjonali) (9),

wara li kkunsidra r-rapport Van den Brande ta' Ottubru 2014 bl-isem “Multilevel Governance and Partnership” (Governanza u sħubija f'diversi livelli), imħejji fuq talba tal-Kummissarju għall-Politika Reġjonali u Urbana Johannes Hahn (10),

wara li kkunsidra pjan ta' komunikazzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għas-sena 2016 bl-isem “Connecting regions and cities for a stronger Europe” (Nikkollegaw ir-reġjuni u l-bliet għal Ewropa aktar b'saħħitha) (11),

wara li kkunsidra l-istudju ta' Lulju 2016 ikkummissjonat mill-Kummissjoni bl-isem “Implementation of the partnership principle and multi-level governance in the 2014-2020 SIE Funds” (L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' sħubija u l-governanza f'diversi livelli tal-Fondi SIE 2014-2020) (12),

wara li kkunsidra l-preżentazzjoni tas-Segretarjat tal-Interreg Europe bl-isem “Designing a project communication strategy” (It-tfassil ta' strateġija ta' komunikazzjoni tal-proġett) (13),

wara li kkunsidra r-rapport imħejji fl-evalwazzjoni ex-post u t-tbassir tal-benefiċċji lill-pajjiżi tal-UE-15 bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni fil-pajjiżi tal-Grupp ta' Visegrad, ikkummissjonat mill-Ministeru Pollakk għall-Iżvilupp Ekonomiku u bl-isem “How do EU-15 Member States benefit from the Cohesion Policy in the V4?” (L-Istati Membri tal-UE-15 kif jibbenefikaw mill-politika ta' koeżjoni fil-pajjiżi tal-Grupp ta' Visegrad?) (14),

wara li kkunsidra l-manwal tal-2017 tan-Netwerk Ewropew kontra l-Faqar (EAPN) bl-isem “Giving a voice to citizens: Building stakeholder engagement for effective decision-making – Guidelines for Decision-Makers at EU and national levels” (Nagħtu vuċi liċ-ċittadini: Il-bini tal-impenn min-naħa tal-partijiet ikkonċernati għal teħid ta' deċiżjonijiet effettiv – Linji Gwida għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali) (15),

wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu (Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni) ta' Novembru 2014 bl-isem “Communicating Europe to its Citizens: State of Affairs and Prospects” (Nikkomunikaw l-Ewropa liċ-ċittadini tagħha: Is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti),

wara li kkunsidra t-tgħarrif tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu (Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni) ta' April 2016 bl-isem “Research for REGI Committee: Mid-term review of the MFF and Cohesion Policy” (Riċerka għall-Kumitat REGI: Rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP u l-Politika ta' Koeżjoni),

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2016 dwar l-evalwazzjoni ex-post tal-FEŻR u tal-Fond ta' Koeżjoni 2007–2013 (SWD(2016)0318),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l- Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0201/2017),

A.

billi l-politika ta' koeżjoni kkontribwiet b'mod sinifikanti biex jiżdiedu t-tkabbir u l-impjiegi u biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn ir-reġjuni tal-UE;

B.

billi l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni tal-UE għandu impatt pożittiv kemm fuq l-ekonomija kif ukoll fuq il-ħajja taċ-ċittadini, iżda r-riżultati mhux dejjem ġew ikkomunikati sew u l-għarfien dwar l-effetti pożittivi tiegħu għadhom pjuttost baxxi; billi l-valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni tal-UE jmur lil hinn mill-impatt ekonomiku, soċjali u territorjali pożittiv li ntwera, peress li dan jimplika wkoll l-impenn tal-Istati Membri u r-reġjuni favur it-tisħiħ tal-integrazzjoni Ewropea;

C.

billi l-għarfien dwar il-programmi lokali ffinanzjati mill-UE fost l-utenti finali u s-soċjetà ċivili huwa kruċjali, irrispettivament mil-livelli ta' finanzjament f'reġjun speċifiku;

D.

billi l-prinċipju ta' sħubija u l-mudell ta' governanza f'diversi livelli, li huma bbażati fuq koordinazzjoni msaħħa fost l-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab ekonomiċi u soċjali u s-soċjetà ċivili, jistgħu jikkontribwixxu b'mod effettiv biex jiġu kkomunikati aħjar l-objettivi u r-riżultati politiċi tal-UE;

E.

billi huwa essenzjali li jkun hemm djalogu permanenti u l-involviment tas-soċjetà ċivili sabiex il-politiki pubbliċi jingħataw responsabilizzazzjoni u leġittimità, filwaqt li jinħoloq sens ta' responsabilità konġunta u trasparenza fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

F.

billi ż-żieda tal-viżibilità tal-Fondi SIE tista' tikkontribwixxi biex jitjiebu l-perċezzjonijiet dwar l-effettività tal-politika ta' koeżjoni u biex terġa' tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini u l-interess fil-proġett Ewropew;

G.

billi linja ta' komunikazzjoni koerenti hija essenzjali, mhux biss minn fuq għal isfel fir-rigward tar-riżultati konkreti tal-Fondi SIE, iżda wkoll minn isfel għal fuq sabiex il-promoturi tal-proġetti jkunu konxji mill-opportunitajiet ta' finanzjament, bil-ħsieb li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess ta' implimentazzjoni;

H.

billi jenħtieġ li l-metodoloġiji għall-provvediment ta' informazzjoni u għad-diversifikazzjoni tal-mezzi ta' komunikazzjoni jiżdiedu u jitjiebu;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.

Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni hija waħda mill-vetturi ewlenin tat-tkabbir, permezz tal-ħames Fondi SIE tagħha, tiżgura l-investiment fir-reġjuni kollha tal-UE u tgħin biex jitnaqqsu d-differenzi, biex jiġu appoġġjati l-kompetittività u t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u biex titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej;

2.

Jinnota bi tħassib li l-għarfien u l-perċezzjonijiet pubbliċi dwar l-effettività tal-politika reġjonali tal-UE naqsu matul is-snin; jirreferi għall-istħarriġ 423 tal-Eurobarometer ta' Settembru 2015 li fih ftit aktar minn terz (34 %) tal-Ewropej stqarru li kienu semgħu dwar il-proġetti kofinanzjati tal-UE li jtejbu l-kwalità tal-ħajja fiż-żona fejn jgħixu; jinnota li l-maġġoranza ta' dawk li wieġbu semmew l-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura soċjali u l-politika ambjentali bħala oqsma importanti; iqis li, mhux biss il-kwantità, iżda prinċipalment il-kwalità tal-proġetti ffinanzjati mill-Fondi SIE u l-valur miżjud tagħhom f'termini ta' riżultati tanġibbli huma prerekwiżiti għal komunikazzjoni pożittiva; jenfasizza, għalhekk, li l-valutazzjoni, l-għażla, l-implimentazzjoni u l-finalizzazzjoni tal-proġetti jridu jiffukaw fuq il-kisba tar-riżultati mistennija, sabiex jiġi evitat infiq ineffettiv li jista' jwassal għal pubbliċità negattiva għall-politika ta' koeżjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-miżuri ta' komunikazzjoni jridu jintgħażlu b'kunsiderazzjoni speċjali għall-kontenut u l-ambitu tagħhom, filwaqt li jtenni li l-aħjar forma ta' reklamar huwa li jintwerew l-importanza u l-utilità tal-proġetti implimentati;

3.

Jinnota li jenħtieġ li l-iżgurar tal-viżibilità tal-investimenti tal-politika ta' koeżjoni jibqa' responsabilità kondiviża tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, bil-għan li jitfasslu strateġiji effettivi Ewropej ta' komunikazzjoni mfassla biex tiġi żgurata l-viżibilità tal-investimenti tal-politika ta' koeżjoni; jinnota, f'dan il-kuntest, ir-rwol tal-awtoritajiet ta' ġestjoni u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti b'mod partikolari, permezz tal-komunikazzjoni istituzzjonali kif ukoll tal-benefiċjarji, billi dawn jikkostitwixxu l-interfaċċja l-aktar effettiva ta' komunikazzjoni maċ-ċittadini billi jipprovdu informazzjoni in situ u jressqu l-Ewropa aktar viċin tagħhom; ifakkar, barra minn hekk, li dawn l-awtoritajiet għandhom l-aħjar għarfien tar-realtajiet u l-ħtiġijiet lokali u reġjonali, u li t-titjib tal-viżibilità jirrikjedi aktar sforzi biex ikun hemm informazzjoni u trasparenza aħjar fil-livell lokali;

4.

Jissottolinja li l-għoti ta' viżibilità lil politika jinvolvi proċess doppju ta' komunikazzjoni u interazzjoni mas-sħab; jenfasizza, barra minn hekk, li fil-kuntest ta' sfidi kumplessi, u sabiex tkun żgurata l-leġittimità u jiġu provduti soluzzjonijiet effettivi għat-terminu twil, hemm bżonn li l-awtoritajiet pubbliċi jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fin-negozjati kollha u fil-fażijiet ta' implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi operattivi, skont il-prinċipju ta' sħubija; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u s-sħab u jtenni r-rwol li l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jista' jkollu f'dan ir-rigward;

5.

Jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-progress irregolari rreġistrat fl-Istati Membri kollha lejn is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi f'termini ta' mobilizzazzjoni u involviment usa' tas-sħab reġjonali u lokali, inklużi s-sħab ekonomiċi u soċjali u l-korpi li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili; ifakkar fl-importanza tad-djalogu soċjali f'dan ir-rigward;

L-isfidi li għandhom jiġu indirizzati

6.

Jiġbed l-attenzjoni lejn iż-żieda fl-Ewroxettiċiżmu u fil-propaganda populista kontra l-Ewropa, li tgħawweġ l-informazzjoni dwar il-politiki tal-Unjoni, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill janalizzaw u jindirizzaw il-kawżi sottostanti tagħhom; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati strateġiji ta' komunikazzjoni aktar effettivi, li jiżguraw lingwaġġ faċli għaċ-ċittadini u jimmiraw lejn l-għeluq tad-distakk bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha, inklużi dawk qiegħda u dawk fir-riskju tal-esklużjoni soċjali, permezz ta' varjetà ta' pjattaformi tal-media fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali li jkunu kapaċi jwasslu messaġġ preċiż u koerenti liċ-ċittadini dwar il-valur miżjud tal-proġett Ewropew għall-kwalità tal-ħajja u għall-prosperità tagħhom;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill janalizzaw, kemm għall-qafas kurrenti u għar-riforma tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020, l-impatt fuq il-perċezzjoni dwar il-politiki tal-UE tal-miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tar-rabta mas-Semestru Ewropew u l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali permezz ta' programmi ffinanzjati mill-Fondi SIE;

8.

Jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet tal-qafas legali biex jiżgura li l-politika ta' koeżjoni jkollha viżibilità adegwata; jenfasizza li, b'riżultat ta' dan, il-komunikazzjoni dwar il-kisbiet tanġibbli tagħha mhux dejjem kienet prijorità għall-partijiet ikkonċernati differenti; iqis li jenħtieġ li l-attivitajiet rakkomandati ta' komunikazzjoni dwar il-kisbiet tanġibbli jiġu aġġornati b'mod kostanti; jinnota, f'dan il-kuntest, il-fatt li l-assistenza teknika mill-Fondi SIE ma tinkludix pakkett finanzjarju ddedikat għall-komunikazzjoni, la fil-livell tal-Unjoni u lanqas f'dak tal-Istati Membri; jenfasizza, madankollu, ir-responsabilità tal-awtoritajiet ta' ġestjoni u tal-benefiċjarji biex jimmonitorjaw regolarment il-konformità tal-attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 115 fl-Anness XII tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni;

9.

Itenni li huwa imperattiv li jinstab bilanċ xieraq bejn il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati r-regoli li jirregolaw l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u l-ħtieġa li tinżamm ġestjoni finanzjarja soda u trasparenti u li tiġi miġġielda l-frodi filwaqt li dan xorta waħda jiġi kkomunikat b'mod xieraq lill-pubbliku; ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-ħtieġa li ssir distinzjoni ċara bejn irregolaritajiet u frodi, sabiex ma jinħoloqx nuqqas ta' fiduċja pubblika fl-awtoritajiet ta' ġestjoni u fl-amministrazzjonijiet lokali; jinsisti, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li jiġi ssimplifikat u li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji, mingħajr ma dan jaffettwa l-kontrolli u l-awditi meħtieġa;

10.

Jenfasizza li huwa essenzjali li tiżdied l-approprjazzjoni tal-politika fil-post, kemm lokalment kif ukoll reġjonalment, sabiex ikunu żgurati twassil u komunikazzjoni effiċjenti tar-riżultati; japprezza li l-prinċipju ta' sħubija jżid valur lill-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi Ewropej, kif ikkonfermat minn studju riċenti tal-Kummissjoni; jirrimarka, madankollu, li l-mobilizzazzjoni tas-sħab tibqa' pjuttost diffiċli f'xi każijiet minħabba li l-prinċipju ta' sħubija qed jiġi implimentat b'mod formali iżda mhux qed iħalli lok għal parteċipazzjoni reali fil-proċess ta' governanza; ifakkar li hemm bżonn li jiġu investiti aktar sforzi u riżorsi fl-involviment tas-sħubija u fl-iskambju ta' esperjenzi permezz ta' pjattaformi għal djalogu mas-sħab, bil-għan, barra minn hekk, li dawn isiru multiplikaturi tal-opportunitajiet u tas-suċċessi tal-finanzjament mill-UE;

11.

Ifakkar, barra minn hekk, li n-natura strateġika għat-terminu twil tal-investimenti tal-politika ta' koeżjoni tfisser li xi kultant ir-riżultati ma jkunux immedjati, sitwazzjoni li hija ta' detriment għall-viżibilità tal-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni, speċjalment f'paragun ma' strumenti oħra tal-Unjoni, bħall-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS); iħeġġeġ, għalhekk, li jenħtieġ li l-attivitajiet ta' komunikazzjoni, meta jkun xieraq, jibqgħu għal erba' snin oħra wara l-għeluq tal-proġett; jenfasizza li r-riżultati ta' ċerti investimenti (speċjalment dawk fil-kapital uman) huma anqas viżibbli u aktar diffiċli biex jiġu kkwantifikati mill-investimenti “fiżiċi” u jitlob li ssir evalwazzjoni aktar dettaljata u differenzjata tal-impatt għat-terminu twil tal-politika ta' koeżjoni fuq il-ħajja taċ-ċittadini; iqis, barra minn hekk, li jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali għall-evalwazzjoni ex-post u għall-attivitajiet ta' komunikazzjoni dwar il-kontribuzzjoni tal-Fondi SIE għall-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, bħala l-istrateġija ta' żvilupp Ewropea għat-terminu twil;

12.

Jinnota r-rwol importanti tal-media biex tinforma liċ-ċittadini dwar diversi politiki tal-UE u dwar l-affarijiet tal-UE b'mod ġenerali; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-kopertura tal-media pjuttost limitata tal-investimenti tal-politika ta' koeżjoni tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati kampanji ta' informazzjoni u strateġiji ta' komunikazzjoni li jkollhom il-media fil-mira, li jkunu adattati għall-isfidi informattivi kurrenti u li jagħtu informazzjoni b'mod aċċessibbli u f'forma attraenti; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi sfruttata l-influwenza dejjem akbar tal-media soċjali, il-vantaġġi offruti mill-avvanzi diġitali u t-taħlita tat-tipi differenti ta' mogħdijiet ta' komunikazzjoni disponibbli, sabiex dawn jintużaw aħjar meta jiġu promossi l-opportunitajiet ipprovduti u l-kisbiet miksuba permezz tal-Fondi SIE;

It-titjib tal-komunikazzjoni u l-impenn tas-sħab matul it-tieni nofs tal-perjodu 2014-2020

13.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-koordinazzjoni u l-aċċessibilità tal-mezzi eżistenti ta' komunikazzjoni u tal-istrumenti fil-livell tal-UE, bil-ħsieb li jiġu indirizzati suġġetti li għandhom impatt fuq l-aġenda tal-UE; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġu pprovduti linji gwida li jistabbilixxu tekniki u metodi biex jiġi kkomunikat b'mod effettiv kif il-politika ta' koeżjoni tagħti riżultati tanġibbli għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet ta' ġestjoni u lill-benefiċjarji jikkomunikaw ir-riżultati, il-benefiċċji u l-impatt għat-terminu twil tal-politika b'mod attiv u sistematiku, filwaqt li jqisu l-istadji differenti tal-iżvilupp tal-proġetti;

14.

Jirrimarka li, minħabba l-kwantità u l-kwalità tal-informazzjoni trażmessa permezz tal-media tradizzjonali u moderna, m'għadux biżżejjed li sempliċiment jintwera l-logo tal-Kummissjoni fuq il-pannelli ta' deskrizzjoni tal-proġetti; jistieden lill-Kummissjoni tfassal mezzi aktar effettivi ta' identifikazzjoni;

15.

Jilqa' l-attivitajiet ta' komunikazzjoni speċifiċi kurrenti, bħall-kampanja “L-Ewropa fir-Reġjun Tiegħi”, l-applikazzjoni web tal-Kummissjoni “Baġit tal-UE biex Jinkisbu Riżultati”, il-kooperazzjoni ma' CIRCOM Reġjonali (16), il-Programm l-Ewropa għaċ-Ċittadini u l-opportunitajiet ipprovduti mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li għadu kif ġie stabbilit; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol ewlieni taċ-Ċentri ta' Informazzjoni ta' Europe Direct biex ikun hemm komunikazzjoni deċentralizzata, bil-għan li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-impatt tal-politika ta' koeżjoni fuq il-post, kemm lokalment kif ukoll reġjonalment; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-isforzi jiġu kkonċentrati fuq it-twassil tal-messaġġ lill-istudenti u lill-ġurnalisti bħala vetturi potenzjali tal-komunikazzjoni, u fuq l-iżgurar ta' bilanċ ġeografiku fil-kampanji ta' komunikazzjoni;

16.

Jenfasizza l-bżonn li l-arranġamenti ta' komunikazzjoni stabbiliti fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni jiġu aġġustati; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-valur miżjud tal-provvediment ta' pakkett finanzjarju speċifiku għall-komunikazzjoni fl-assistenza teknika, kif ukoll taż-żieda, meta jkun xieraq, tal-għadd ta' rekwiżiti vinkolanti ta' pubbliċità u informazzjoni għall-proġetti tal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida ċara fl-2017 dwar kif l-assistenza teknika tista' tintuża għall-komunikazzjoni fil-perijodu ta' finanzjament kurrenti, bil-ħsieb li tiġi żgurata ċertezza legali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u għal benefiċjarji oħra; itenni, barra minn hekk, li l-istandards ordinarji tal-komunikazzjoni u r-reklamar, filwaqt li huma maħsuba tajjeb fil-każ tal-investimenti strutturali u teknoloġiċi, mhumiex daqshekk effettivi għall-investimenti intanġibbli fil-kapital uman;

17.

Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità akbar lill-komunikazzjoni fil-ġerarkija tal-prijoritajiet tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, speċjalment fil-kuntest tax-xogħol tal-persunal ta' ġestjoni mhux direttament responsabbli għall-komunikazzjoni, u sabiex il-komunikazzjoni tiġi inkorporata fil-proċedura normali tal-Fondi SIE; jitlob li jkun hemm aktar professjonaliżmu fil-qasam tal-komunikazzjoni, speċjalment billi wieħed jopera b'mod lokali u jevita l-użu tal-lingwaġġ tal-UE;

18.

Jilqa' l-evalwazzjoni ex-post tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2007-2013, imwettqa mill-Kummissjoni, li jipprovdu sorsi eċċellenti biex jiġu kkomunikati r-riżultati miksuba u l-impatt li kien hemm; jieħu att tal-inizjattiva tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Visegrad dwar l-aspetti esterni tal-politika ta' koeżjoni fl-UE-15 (17) u jistieden lill-Kummissjoni tfassal studju usa' oġġettiv fil-livell tal-UE-28; iħeġġeġ iktar lill-Kummissjoni tiddifferenzja l-istrateġiji ta' komunikazzjoni tagħha lejn l-Istati Membri li huma kontributuri netti minn dawk lejn l-Istati Membri li huma benefiċjarji netti, u tenfasizza l-benefiċċji speċifiċi li l-politika ta' koeżjoni toffri f'termini ta' tkabbir tal-ekonomija reali, billi trawwem l-intraprenditorija u l-innovazzjoni, toħloq it-tkabbir u l-impjiegi fir-reġjuni kollha tal-UE u ttejjeb l-infrastruttura tal-komunità u dik ekonomika, kemm permezz tal-investimenti diretti kif ukoll permezz tal-esportazzjonijiet diretti u indiretti (fatturi esterni);

19.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet ta' ġestjoni jidentifikaw modi biex jiffaċilitaw u jistandardizzaw l-aċċess għall-informazzjoni, jippromwovu skambju ta' għarfien u ta' prattiki tajbin dwar l-istrateġiji ta' komunikazzjoni sabiex jikkapitalizzaw aħjar mill-esperjenza eżistenti u jżidu t-trasparenza u l-viżibilità tal-opportunitajiet ta' finanzjament;

20.

Jilqa' l-introduzzjoni tal-koeżjoni elettronika fil-perjodu ta' programmazzjoni kurrenti, li għandha l-għan li tissemplifika u tallinja l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE; jenfasizza l-kapaċità tagħha li tikkontribwixxi b'mod effettiv għall-aċċess għall-informazzjoni, il-monitoraġġ ta' żvilupp tal-programm u l-ħolqien ta' rabtiet utli fost il-partijiet ikkonċernati;

21.

Iqis li hemm bżonn ta' komunikazzjoni mtejba permezz ta' kanali ġodda tal-media, li se teħtieġ strateġija diġitali għal pjattaformi tal-media diġitali u soċjali mfassla biex tinforma liċ-ċittadini u tagħtihom l-opportunità li jsemmgħu leħinhom dwar il-ħtiġijiet tagħhom, billi tiffoka fuq l-ilħuq tal-utenti finali permezz ta' settijiet differenti ta' għodod bħala mezzi interattivi online, tiżviluppa kontenut u applikazzjonijiet ibbażati fuq apparati mobbli aktar aċċessibbli, kif ukoll tiżgura li l-informazzjoni titfassal għal gruppi ta' etajiet differenti u tkun disponibbli b'lingwi differenti, meta jkun xieraq; jistieden lill-awtoritajiet ta' ġestjoni jipprovdu lid-DĠs rilevanti b'informazzjoni aġġornata dwar id-data, il-kisbiet u l-investimenti finanzjarji, bil-għan li jintwerew data u ċarts li jistgħu jinqraw faċilment fil-Pjattaforma tad-Data Miftuħa tal-Fondi SIE, għall-benefiċċju tal-ġurnalisti; jitlob t-tnedija ta' inizjattivi reġjonali ta' premju għall-aħjar proġetti, ispirati minn RegioStars;

22.

Jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet kurrenti ta' komunikazzjoni jiġu mtejba u jipproponi l-istabbiliment ta' forzi ta' ħidma dwar il-komunikazzjoni reġjonali li jinvolvu atturi f'diversi livelli;

23.

Jenfasizza l-importanza tal-kodiċi ta’ kondotta Ewropew dwar is-sħubija u r-rwol tal-prinċipju ta' sħubija fit-tisħiħ tal-impenn kollettiv u l-approprjazzjoni tal-politika ta' koeżjoni; jitlob li r-rabta bejn l-awtoritajiet pubbliċi, il-benefiċjarji potenzjali, is-settur privat, is-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini tissaħħaħ permezz ta' djalogu miftuħ, u biex il-kompożizzjoni tal-parteċipanti tas-sħubijiet tinbidel matul l-implimentazzjoni, meta dan ikun neċessarju, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-aħjar taħlita ta' sħab li jirrappreżentaw l-interessi tal-komunità f'kull stadju tal-proċess;

24.

Jilqa' l-mudell innovattiv ta' kooperazzjoni f'diversi livelli u b'diversi partijiet ikkonċernati propost mill-Aġenda Urbana tal-UE u jirrakkomanda li dan jiġi replikat, meta jkun possibbli, fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni;

25.

Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni komunikattiva tal-kooperazzjoni transfruntiera u interreġjonali, inkluż fil-livell tal-istrateġiji makroreġjonali li jkunu għaddejjin, li jenħtieġ li jkunu aktar viżibbli għaċ-ċittadini tal-UE, permezz tat-tixrid ta' prattiki tajbin u ta' stejjer ta' suċċess u opportunitajiet ta' investiment;

It-trawwim tal-komunikazzjoni dwar il-politika ta' koeżjoni wara l-2020

26.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-attraenza tal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni tal-UE permezz ta' aktar simplifikazzjoni u tal-limitazzjoni ta' regolamentazzjoni żejda, u biex jikkunsidraw li jnaqqsu l-kumplessità u, meta jkun xieraq, in-numru ta' regolamenti u linji gwida, fid-dawl tar-rakkomandazzjoni reċenti mill-Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti Indipendenti dwar is-Simplifikazzjoni tal-Monitoraġġ għall-Benefiċjarji tal-Fondi SIE;

27.

B'kunsiderazzjoni ta' kif il-politika ta' koeżjoni tal-UE tikkontribwixxi għal identifikazzjoni pożittiva mal-proġett tal-integrazzjoni Ewropea, jistieden lill-Kummissjoni tqis qasam ta' komunikazzjoni obbligatorja fil-formoli ta' applikazzjoni għal proġett, bħala parti minn użu miżjud tal-assistenza teknika permezz ta' envelopp imwarrab għall-komunikazzjoni, fil-livell tal-programm, filwaqt li toqgħod attenta kontra żieda fl-għadd ta' restrizzjonijiet u tiżgura l-flessibilità meħtieġa; jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet ta' ġestjoni u dawk lokali u reġjonali jtejbu l-kwalità tal-komunikazzjoni tagħhom fuq ir-riżultati finali tal-proġetti;

28.

Jenfasizza l-importanza li jiżdied id-djalogu tal-Unjoni maċ-ċittadini, li jinħasbu mill-ġdid il-kanali u l-istrateġiji ta' komunikazzjoni u, fid-dawl tal-opportunitajiet offruti min-netwerks soċjali u mit-teknoloġiji diġitali l-ġodda, li l-messaġġi jiġu adattati għall-kuntesti lokali u reġjonali; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol potenzjali tal-partijiet ikkonċernati mis-soċjetà ċivili bħala vetturi għall-komunikazzjoni; itenni, madankollu, li l-kontenut edukattiv huwa daqstant importanti daqs l-istrateġiji tal-media u l-promozzjoni permezz ta' pjattaformi differenti;

29.

Jenfasizza, fil-kuntest tal-komunikazzjoni u l-viżibilità, il-ħtieġa għal aktar simplifikazzjoni tal-politika wara l-2020, inkluż fir-rigward tal-ġestjoni kondiviża u s-sistemi ta' awditi, sabiex jinstab il-bilanċ ġust bejn politika orjentata lejn ir-riżultati, għadd xieraq ta' verifiki u kontrolli, u proċeduri simplifikati;

30.

Jitlob li l-prinċipju ta' sħubija jissaħħaħ aktar fil-qafas tal-perjodu l-ġdid ta' programmazzjoni wara l-2020; huwa konvint li l-involviment attiv tal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili, fil-proċess ta' negozjar u ta' implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi operattivi, jista' jikkontribwixxi biex jissaħħu l-approprjazzjoni u t-trasparenza tal-implimentazzjoni tal-politika u jista' jinvolvi wkoll implimentazzjoni tal-politika aħjar fir-rigward tal-baġit tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta' mudelli eżistenti ta' governanza parteċipattiva, li jlaqqgħu flimkien is-sħab soċjali rilevanti kollha u jinvolvu l-partijiet ikkonċernati fi proċess parteċipatorju ta' baġitjar sabiex jiġu determinati r-riżorsi allokati għall-kofinanzjament nazzjonali, reġjonali u lokali, meta jkun xieraq, bil-għan li jiżdiedu l-fiduċja reċiproka u l-impenn taċ-ċittadini fid-deċiżjonijiet ta' nfiq pubbliku; jissuġġerixxi, barra minn hekk, li jitwettqu valutazzjonijiet parteċipatorji tar-riżultati li jinvolvu lill-benefiċjarji u lill-partijiet ikkonċernati differenti, sabiex jinġabru data rilevanti li jistgħu jikkontribwixxu biex tingħata spinta lill-parteċipazzjoni attiva u lill-viżibilità fir-rigward ta' azzjoni futura;

31.

Jinsisti, barra minn hekk, li tiżdied il-kooperazzjoni urbana-rurali sabiex jiġu żviluppati sħubijiet territorjali bejn il-bliet u ż-żoni rurali permezz tal-isfruttament sħiħ tal-potenzjal tas-sinerġiji bejn il-fondi tal-UE u l-bini fuq l-għarfien espert taż-żoni urbani u l-kapaċità akbar tagħhom li jimmaniġġjaw il-fondi;

32.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex fil-pjanijiet ta' azzjoni ta' komunikazzjoni rispettivi tagħhom jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost id-Direttorati Ġenerali, il-ministeri u l-komunikaturi differenti f'livelli differenti, u fuq l-istabbiliment ta' ħarsa ġenerali lejn l-udjenzi fil-mira, bil-għan li jiżviluppaw u jwasslu messaġġi mfassla għal gruppi fil-mira speċifiċi sabiex jilħqu liċ-ċittadini fuq il-post b'mod aktar dirett u jinformawhom aħjar;

33.

Jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza ta' bidla kulturali, fis-sens li l-komunikazzjoni hija r-responsabilità tal-atturi kollha involuti, u li l-benefiċjarji stess qed isiru komunikaturi prinċipali;

34.

Jitlob ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-rwol u l-pożizzjoni tan- netwerks li jeżistu diġà ta' komunikazzjoni u informazzjoni u jużaw il-pjattaforma ta' komunikazzjoni elettronika interattiva tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, sabiex jiġbru d-data rilevanti kollha dwar proġetti tal-Fond SIE, u b'hekk jippermettu lill-utenti finali jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar il-proċess ta' implimentazzjoni u r-riżultati miksuba, lil hinn minn deskrizzjoni qasir tal-proġett u n-nefqa mġarrba; huwa tal-fehma li tali pjattaforma se tiffaċilita wkoll l-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-komunikazzjoni dwar il-politika ta' koeżjoni;

o

o o

35.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)  ĠU L 74, 14.03.2014, p. 1.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2017)0053.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2017)0055.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2016)0211.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2015)0419.

(7)  http://www.consilium.europa.eu/press-releases-pdf/2016/11/47244650399_en.pdf.

(8)  http://ec.europa.eu/regional_policy/en/information/publications/brochures/2014/ensuring-the-visibility-of-cohesion-policy-information-and-communication-rules-2014-2020.

(9)  http://ec.europa.eu/COMMFrontOffice/publicopinion/index.cfm/ResultDoc/download/DocumentKy/67400.

(10)  http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/informing/dialog/2014/5_vandenbrande_report.pdf.

(11)  http://cor.europa.eu/en/about/Documents/CoR-communication-plan-2016.pdf.

(12)  http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/policy/how/studies_integration/impl_partner_report_en.pdf.

(13)  http://www.interregeurope.eu/fileadmin/user_upload/events/Rotterdam/pdf/Designing_communication_strategy.pdf.

(14)  https://www.strukturalni-fondy.cz/getmedia/fdc8a04e-590d-47ac-9213-760d4ac76f75/V4_EU15_manazerske-shrnuti.pdf?ext=.pdf.

(15)  http://www.eapn.eu/images/stories/docs/EAPN-position-papers-and-reports/2014-eapn-handbook-Give-a-voice-to-citizens-Guidelines-for-Stakeholder-Engagement.pdf.

(16)  Assoċjazzjoni Professjonali tas-Servizzi ta' Televiżjoni Pubblika Reġjonali fl-Ewropa.

(17)  Rapport imħejji bħala parti mill-evalwazzjoni ex-post u t-tbassir tal-benefiċċji lill-pajjiżi tal-UE-15 bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni fil-pajjiżi tal-Grupp ta' Visegrad, ikkummissjonat mill-Ministeru Pollakk għall-Iżvilupp Ekonomiku u bl-isem “How do EU-15 Member States benefit from the Cohesion Policy in the V4?” (L-Istati Membri tal-UE-15 kif jibbenefikaw mill-politika ta' koeżjoni fil-pajjiżi tal-Grupp ta' V4?),


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/10


P8_TA(2017)0246

Kosteffikaċja tas-7 Programm ta' Riċerka

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar il-kosteffikaċja tas-7 Programm ta' Riċerka (2015/2318(INI))

(2018/C 331/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Titolu XIX tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (1),

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (3) (Ir-Regolament Finanzjarju),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (4),

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 2/2013 tal-Qorti tal-Awdituri, bit-titolu “Il-Kummissjoni żgurat l-implimentazzjoni effiċjenti tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka?”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għax-Xjenza u t-Teknoloġija tal-House of Commons tar-Renju Unit tas-16 ta' Novembru 2016“Leaving the EU: implications and opportunities for science and research”, of 16 November 2016 (5),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III – Il-Kummissjoni (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0194/2017),

A.

billi l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2007-2013 ġie fi tmiemu, imma l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru għar-riċerka u l-innovazzjoni (FP7) għadha għaddejja;

B.

billi l-proġetti ta' riċerka u innovazzjoni matul l-QFP 2014-2020 jaqgħu taħt ir-Regolament dwar Orizzont 2020;

C.

billi, sa fejn jaf, ma teżisti l-ebda analiżi komprensiva tal-kosteffikaċja fir-rigward tal-FP7;

D.

billi evalwazzjoni komprensiva tal-FP7 imissha – idealment – saret qabel id-dħul fis-seħħ ta' Orizzont 2020;

E.

billi r-rati ta' żball u evalwazzjoni ex post tal-programm ma joffrux informazzjoni komprensiva dwar il-kosteffikaċja

Is-Seba' Programm Kwadru (FP7)

1.

Jenfasizza l-fatt li l-FP7, b'kollox, irrappreżenta baġit totali ivvotat ta' EUR 55 biljun, li huwa stmat li jammonta għal 3 % tan-nefqa totali fil-qasam tar-riċerka u żvilupp teknoloġiku (RTD) fl-Ewropa, jew 25 % ta' finanzjament kompetittiv; fis-seba' snin li dam l-FP7, tressqu aktar minn 139 000 proposta għal riċerka, li minnhom intgħażlu u rċevew finanzjament 25 000 proġett tal-ogħla kwalità; id-destinatarji ewlenin fost id- 29 000 organizzazzjoni li kienu qed jieħdu sehem fl-FP7 kienu, inter alia, l-universitajiet (44 % tal-finanzjament mill-FP7), l-organizzazzjonijiet fl-oqsma tar-riċerka u t-teknoloġija (27 %), kumpaniji privati kbar (11 %) u intrapriżi żgħar u medji (13 %), filwaqt li s-settur pubbliku (3 %) u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (2 %) rrappreżentaw sehem anqas sinifikanti;

2.

Huwa konxju li l-FP7 jaqdi lil benefiċjarji mill-Istati Membri kollha tal-UE, il-pajjiżi kandidati assoċjati bħall-Iżvizzera, l-Iżrael, in-Norveġja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, it-Turkija, il-Kroazja, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Serbja, l-Albanija, il-Montenegro, il-Bożnja-Ħerzegovina, il-Gżejjer Faeroe u l-Moldova, u pajjiżi sħab ta' kooperazzjoni internazzjonali;

3.

Jinnota li l-evalwazzjoni ex post tal-FP7, li twettqet minn grupp ta' esperti ta' livell għoli (7), ikkunsidrat li l-FP7 kien suċċess; il-grupp ta' livell għoli ssottolinja b'mod partikolari li l-FP7:

inkoraġġixxa l-eċċellenza xjentifika fil-livell individwali u istituzzjonali,

ippromwova riċerka rivoluzzjonarja permezz tal-programm ġdid Fp7-Ideas (Kunsill Ewropew tar-Riċerka),

involva lill-industrija u lill-intrapriżi żgħar u medji b'mod strateġiku,

qawwa modalità ġdida ta' kollaborazzjoni u qafas għall-innovazzjoni miftuħ,

saħħaħ liż-Żona Ewropea tar-Riċerka billi aġixxa ta' katalista għal kultura ta' kooperazzjoni u bena netwerks komprensivi adattati biex jindirizzaw l-isfidi tematiċi,

indirizza ċerti sfidi għas-soċjetà permezz tar-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni permezz ta' FP7-Cooperation,

inkoraġġixxa l-armonizzazzjoni tas-sistemi u l-politiki nazzjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni,

qanqal il-mobilità tar-riċerkaturi madwar l-Ewropa – FP7-PEOPLE ħoloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għal suq tax-xogħol miftuħ għar-riċerkaturi,

ippromwova l-investiment fl-infrastrutturi Ewropej għar-riċerka,

laħaq massa kritika ta' riċerka madwar il-panorama Ewropew u dak globali;

4.

Jinnota li l-konsultazzjoni pubblika mal-partijiet interessati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-FP7, li saret bejn Frar u Mejju 2015, indikat id-dgħufijiet li ġejjin:

piż amministrattiv kbir, u regoli legali u finanzjarji kkumplikati,

grad għoli ta' sottoskrizzjoni eċċessiva,

nuqqas ta' attenzjoni għall-impatt fuq is-soċjetà,

l-ambitu tas-suġġetti u s-sejħiet kien strett wisq,

nuqqas ta' attenzjoni għall-parteċipazzjoni min-naħa tal-industrija,

limitu minimu għoli għal min ikun għadu jibda; rati baxxi tal-medja ta' suċċess ta' 19 % u 22 % rispettivament għall-proposti u l-applikanti;

komunikazzjoni dgħajfa;

5.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, skont il-Kummissarju, l-FP7 mhux se jiġi kompletament eżegwit u evalwat qabel l-2020, u dan jista' jikkawża dewmien fil-programmi ta' segwitu fil-ġejjieni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika r-rapport ta' evalwazzjoni malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn qabel tippreżenta l-programm ta' riċerka għal wara Orizzont 2020.

Is-sejbiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (il-Qorti)

6.

Jenfasizza bi tħassib li l-Qorti tikkunsidra li s-sistemi ta' superviżjoni u kontroll għall-politiki dwar ir-riċerka u politiki interni oħrajn huma “parzjalment effettivi”;

7.

Jappella lill-Kummissjoni biex tinforma lill-kumitat responsabbli tagħha fid-dettall dwar l-10 tranżazzjonijiet li kienu jirrappreżentaw 77 % tal-iżbalji u l-miżuri ta' rimedju meħuda fl-2015;

8.

Jinnota bi tħassib li r-rata ta’ żball rar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RDI) fil-kwittanza għas-snin finanzjarji reċenti minn dejjem kienet ogħla minn 5 %;

9.

Jinnota li, fl-2015, mill-150 tranżazzjoni awditjati mill-Qorti, 72 (48 %) kienu milquta minn żbalji; abbażi tat-38 żball li kkwantifikat il-Qorti, hija stmat li l-livell ta' żball kien ta' 4,4 %; barra minn hekk, f'16-il każ ta' żbalji kwantifikabbli, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali jew l-awdituri indipendenti kellhom informazzjoni suffiċjenti biex jipprevjenu jew jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji qabel jaċċettaw in-nefqa; kieku din l-informazzjoni kollha ntużat għall-korrezzjoni tal-iżbalji, il-livell ta' żball stmat għal dan il-kapitolu kien ikun 0,6 % aktar baxx;

10.

Jiddeplora l-fatt li f'10 mit-38 tranżazzjoni li kienu soġġetti għal żball ikkwantifikat, il-Qorti rrapportat żbalji li jaqbżu l-20 % tal-partiti eżaminati; dawn l-għaxar każijiet (disgħa mis-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u wieħed mill-Programm Kompetittività u Innovazzjoni 2007-2013) jirrappreżentaw 77 % tal-livell ta' żball stmat kumplessiv għall-intestatura “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” fl-2015;

11.

Jiddispjaċih li l-biċċa l-kbira tal-iżbalji kkwantifikati li sabet il-Qorti (33 minn 38) kellhom x'jaqsmu mar-rimborż tal-persunal u l-ispejjeż indiretti ineliġibbli li ddikjaraw il-benefiċjarji u li kważi l-iżbalji kollha li sabet il-Qorti fid-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż kienu dovuti għal miżinterpretazzjoni tar-regoli kumplessi dwar l-eliġibbiltà jew kalkolu inkorrett tal-ispejjeż eliġibbli min-naħa tal-benefiċjarji, u dan iwassal għall-konklużjoni ovvja li hemm bżonn li dawn ir-regoli jiġu ssemplifikati;

12.

Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni kkalkolat li r-rata ta' żball residwu (fi tmiem il-programm u wara l-korrezzjonijiet) kienet ta' 3 % fl-2014 (2,88 % fl-2015);

13.

Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu fil-kwittanza tal-Kummissjoni għall-2012 u l-2014: “Jibqa' konvint li l-Kummissjoni għandha tkompli tfittex bilanċ aċċettabbli bejn kemm il-programmi jkunu attraenti għall-parteċipanti u l-ħtieġa leġittima tar-responsabilità u l-kontroll finanzjarju; ifakkar, f'dan il-kuntest, fid-dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali fl-2012 li proċedura li timmira li tikseb rata ta' żball residwu ta' 2 % f'kull sitwazzjoni mhijiex soluzzjoni vijabbli”;

14.

Jiddispjaċih li s-sorsi prinċipali tal-iżbalji kienu l-ispejjeż tal-persunal li ġew ikkalkulati b'mod inkorrett u l-ispejjeż diretti u indiretti ineliġibbli;

15.

Jindika u jinsab imħasseb dwar is-sejbiet tar-Rapport Speċjali Nru 2/2013 tal-Qorti, fejn il-Qorti tikkonkludi li l-proċessi tal-Kummissjoni huma indirizzati biex jiżguraw li l-finanzjament jiġi investit f'riċerka ta' kwalità għolja; madankollu, kien hemm anqas attenzjoni fir-rigward tal-effiċjenza;

l-għodda eżistenti fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni ma ppermettewx implimentazzjoni effiċjenti tal-proġetti, u fit-tmien servizzi tal-Kummissjoni hemm impjegati aktar minn 2 500 membru tal-persunal sabiex jimplimentaw l-FP7, li fosthom 1 500 (60 %) huma assenjati direttament għall-ġestjoni tal-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku fil-Qasam tal-Kooperazzjoni,

iż-żmien għall-għotja għandu jkompli jitqassar, u

il-mudell ta' kontroll finanzjarju tal-FP7 ma jqisx biżżejjed ir-riskju ta' żbalji;

16.

Jinnota r-risposti tal-Kummissjoni għall-konklużjonijiet tal-Qorti, li indikaw li, madankollu, ġew iffirmati 4 324 għotja, bi kważi 20 000 parteċipant, li ż-żmien għall-għotja diġà tqassar u li l-arkitettura ta' kontroll ġiet iddisinjata b'tali mod li tiddependi l-aktar fuq il-kontroll ex post;

Il-kosteffikaċja taħt l-FP7

17.

Jissottolinja li jkun tajjeb li l-kosteffikaċja titkejjel fir-rigward tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja (ġestjoni finanzjarja tajba) (8) fil-ksib tal-objettivi politiċi;

18.

Jinnota li l-implimentazzjoni tal-programmi qafas għar-riċerka kienet maqsuma bejn id-direttorati ġenerali differenti, l-aġenziji eżekuttivi, l-impriżi konġunti, il-korpi hekk imsejħa tal-Artikolu 185, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT);

19.

Jindika li d-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (DĠ RTD) awtorizza EUR 3,8 biljun f'pagamenti fl-2015, li minnhom 67,4 % saru taħt ir-responsabilità diretta tad-DĠ, 12,6 % mill-impriżi konġunti, 10,7 % mill-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), u 2,4 % mill-aġenziji eżekuttivi;

20.

Jinnota li, skont ir-rapport annwali tal-attività tad-DĠ RTD għall-2015, l-Unjoni Ewropea kkontribwixxiet EUR 44,56 biljun għall-programm FP7, li minnhom 58 % marru l-Ġermanja (16 %), ir-Renju Unit (16 %), Franza (11 %), l-Italja (8 %) u Spanja (7 %);

21.

Josserva li d-DĠ RTD stabbilixxa qafas ta' kontroll immirat biex itaffi r-riskji inerenti fl-istadji differenti tal-proċess ta' ġestjoni tal-għotjiet diretti u indiretti; barra minn hekk, id-DĠ RTD stabbilixxa strateġija ta' superviżjoni għall-istrumenti finanzjarji, li jiġu implimentati mill-BEI u l-FEI;

22.

Jinnota li fir-rigward tal-FP7 2007-2013, id-DĠ RTD lesta u għalaq, sa tmiem l-2015, 3 035 ftehim ta' għotja minn 4 950, kif ukoll 1 915-il proġett, waqt li fadal EUR 1,6 biljun x'jitħallsu; id-DĠ RTD għamel 826 pagament finali fl-2015; iħeġġeġ lid-DĠ jiżviluppa dawn l-istatistiċi fi snin finanjarji sussegwenti;

23.

Jindika b'mod partikolari l-fatt li l-indikaturi bħaż-żmien għall-għotja, iż-żmien għall-informazzjoni u ż-żmien għall-pagament urew tendenza pożittiva u kienu kkunsidrati sodisfaċenti (konformità ta' 93-100 %);

24.

Jinnota li d-DĠ RTD wettaq 1 550 awditu, li koprew 1 404 benefiċjarji u 58,7 % tal-baġit matul il-perjodu ta' programmazzjoni tal-FP7;

25.

Jirrimarka li d-DĠ RTD jikkunsidra li ntuża total ekwivalenti ta' 9,4 ingaġġi full-time għas-superviżjoni u l-koordinament tal-attivitajiet relatati mal-aġenziji eżekuttivi; dan jirrappreżenta EUR 1,26 miljun jew 1,35 % tal-ispejjeż amministrattivi totali; barra minn hekk, l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) u l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERCEA) implimentaw baġit operattiv ta' EUR 1,94 biljun, u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME) u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA) implimentaw EUR 480,5 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2015;

26.

Josserva li d-DĠ RTD ġarrab spejjeż ta' EUR 1,67 miljun jew 0,35 % mill-EUR 479,9 miljun li tħallsu lill-impriżi konġunti għas-superviżjoni tal-attivitajiet tagħhom; josserva barra minn hekk li d-DĠ RTD ġarrab spejjeż ta' EUR 0,7 miljun jew 0,78 % mill-pagamenti li saru lill-korpi tal-Artikolu 185 għas-superviżjoni tal-attivitajiet tagħhom;

27.

Jenfasizza li l-impriżi konġunti u l-korpi tal-Artikolu 185 huma responsabbli għall-awditjar tagħhom innifishom, u r-riżultati ta' dan jiġu kkomunikati lid-DĠ RTD;

28.

Jinnota bi tħassib il-fatt li d-DĠ RTD stima li r-rata ta' żball kumplessiva identifikata hija ta' 4,35 %; fl-istess ħin, id-Direttorat Ġenerali kkunsidra li r-rata ta' żball residwu (fi tmiem il-programm u wara l-korrezzjonijiet) hija ta' 2,88 %;

29.

Jinnota li, sa tmiem l-2016, l-ammont li kellu jiġi rkuprat kien ta' EUR 68 miljun, li minnhom effettivament inġabru EUR 49,7 miljun;

30.

Josserva, madankollu, li r-regoli tal-FP7 ma kinux kompatibbli biżżejjed mal-prattiki kummerċjali ġenerali, li s-sistema ta' kontroll meħtieġa biex ikun hemm bilanċ aħjar bejn ir-riskju u l-kontroll, li l-benefiċjarji kellhom bżonn gwida aħjar biex ilaħħqu mal-kumplessità tal-iskema, u li l-metodi ta' rimborż kellhom ikunu aktar effiċjenti;

31.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, fir-rapport annwali tal-attività tad-DĠ Riċerka u Innovazzjoni, huwa indikat li sa tmiem l-2015, 1 915-il proġett taħt l-FP7, b'valur ta' EUR 1,63 biljun, kienu għadhom ma tlestewx, li setgħu jtawlu l-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020;

32.

Jinnota li l-istabbiliment ta' sinerġiji bejn is-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni minn naħa u l-fondi strutturali mill-oħra, kien fl-interess tal-Unjoni Ewropea;

33.

Jinnota li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-FP7 u l-finanzjament ta' riċerka nazzjonali jkunu koerenti mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat sabiex jiġu evitati l-inkonsistenzi u l-irduppjar ta' finanzjament; jisħaq li għandu jingħata kont tal-karatteristiċi nazzjonali speċifiċi;

34.

Jenfasizza l-importanza tal-istrumenti finanzjarji fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni; jenfasizza li, b'kunsiderazzjoni tar-riċerka tal-kompetittività, l-użu ta' strumenti finanzjarji għal proġetti f'livelli ta' tlestija teknoloġika akbar (TRL) jista' joffri biżżejjed ritorn mill-investiment pubbliku; jindika, f'dan il-kuntest, il-fatt li "Il-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (2007-2013) toffri wkoll self u finanzjament ibridu jew intermedju biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament ta' riskju għal proġetti R&I. Jinnota li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni RSFF 2007-2015 ta' EUR 961 miljun appoġġat attività li tgħodd għal iktar minn EUR 10,22 biljuni minn EUR 11,31 biljun li kienu mistennija; jinnota li l-Istrument għall-Kondiviżjoni tar-Riskji għall-Industriji Żgħar u Medji pprovda finanzjament ta' aktar minn EUR 2,3 biljun, li għalih l-Unjoni kkontribwiet EUR 270 miljun (9); huwa tal-opinjoni li dawn iċ-ċifri jissottolinjaw l-interess għoli tal-kumpaniji u tal-benefiċjarji l-oħra fil-finanzjament ta' riskju;

35.

Josserva l-bżonn li l-istrumenti finanzjarji FP7 jkunu iktar fil-mira sabiex ikun żgurat li jingħata appoġġ lill-operaturi l-ġodda b'aċċess limitat għall-finanzjament fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni;

36.

Jinnota li ċerti miżuri rrakkomandati mill-awditur estern u/jew is-servizz ta' awditu intern tal-Kummissjoni, jiġifieri żewġ miżuri li jikkonċernaw is-sistemi ta' kontroll għas-superviżjoni ta' korpi esterni, u tliet miżuri għal Fond ta' Garanzija tal-Parteċipanti, ma ġewx inklużi;

37.

Jissuġġerixxi komunikazzjoni aħjar tar-riżultati fl-Istati Membri u fil-kampanji ta' informazzjoni tal-programm;

Il-prospettivi ġejjiena taħt Orizzont 2020

38.

Jirrileva l-fatt li, sa tmiem l-2015 198 sejħa bi skadenza għas-sottomissjonijiet sa dik id-data kienu ġew ippubblikati għal Orizzont 2020a; b'rispons għal dawn is-sejħiet, b'kollox waslu 78 268 proposta, li 10 658 minnhom tqiegħdu fil-lista ewlenija jew dik ta' riżerva; dan ifisser li, jekk jitqiesu biss il-proposti eliġibbli, ir-rata ta' suċċess kienet ta' madwar 14 %; fl-istess perjodu, ġew iffirmati 8 832 ftehim ta' għotja mal-benefiċjarji, li 528 minnhom ġew iffirmati mid-DĠ RTD;

39.

Jirrikonoxxi li kien hemm iffrankar ta' spejjeż ta' EUR 551 miljun fil-FP7 meta mqabbel mal-FP6, u li l-Kummissjoni fittxet li tissemplifika aktar l-implimentazzjoni tal-Orizzont 2020, meta mqabbel mal-FP7; jenfasizza, l-importanza tal-oqsma ta' politika kollha, inklużi l-fondi strutturali, li jibbenefikaw mis-semplifikazzjoni bl-intenzjoni li jinżamm trattament ugwali tal-benefiċjarji tal-assistenza finanzjarja Ewropea;

40.

Jinnota b'sodisfazzjon li d-DĠ RTD qed jipprova jkompli jnaqqas l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi billi jesternalizza l-ġestjoni tal-kuntratti lill-aġenziji eżekuttivi u l-korpi l-oħra; jisħaq f'dan il-kuntest li, taħt Orizzont 2020, 55 % tal-baġit se jkun ġestit mill-aġenziji eżekuttivi;

41.

Jissottolinja li l-għadd kbir ta' atturi politiċi, inklużi d-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni, l-aġenziji eżekuttivi, l-impriżi konġunti u l-korpi tal-Artikolu 185, jirrikjedi koordinament konsiderevoli, li l-effikaċja tiegħu hija ta' importanza ewlenija;

42.

Jinnota d-differenza fl-opinjonijiet tal-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija u l-Kummissjoni minn naħa, u tal-Qorti min-naħa l-oħra fir-rigward tal-legalità tal-pagamenti; huwa tal-opinjoni li jeħtieġ li s-soluzzjoni għal din it-tilwima ma tiġġenerax ħsara għal dawk il-benefiċjarji li l-azzjoni tagħhom kienet in bona fide;

43.

Jilqa' l-fatt li, taħt Orizzont 2020:

l-istruttura tal-programm hija anqas kumplessa u tipprevedi l-interoperabilità fost il-partijiet differenti,

issa japplika sett ta' regoli wieħed,

issa hemm rata ta' finanzjament waħda għal kull proġett,

l-ispejjeż indiretti huma koperti b'rata fissa (25 %),

qed tiġi vverifikata l-vijabilità finanzjarja tal-koordinaturi tal-proġetti biss,

ġie introdott approċċ għall-prestazzjoni aktar kalkolabbli,

strateġija tal-awditjar waħda hija applikabbli għall-familja tar-riċerka u l-innovazzjoni,

inħoloq portal għall-parteċipanti wieħed għall-ġestjoni tal-għotjiet u l-esperti,

il-ġestjoni tal-għotjiet, tal-kuntratti tal-esperti u tal-arkivjar qed issir elettronikament;

44.

Jilqa' l-ħolqien ta' Ċentru ta' Appoġġ Komuni, li se jgħin fil-koordinament u fl-eżekuzzjoni tal-programm b'mod effiċjenti u armonizzat f'seba' direttorati ġenerali tal-Kummissjoni, erba' aġenziji eżekuttivi u sitt impriżi konġunti; jinnota li sal-1 ta' Jannar 2014, iċ-Ċentru ta' Appoġġ Komuni kien qed jipprovdi servizzi komuni fl-oqsma tal-appoġġ legali, l-awditjar ex post, is-sistemi u l-operazzjonijiet tal-IT, il-proċessi kummerċjali, l-informazzjoni u d-data relatati mal-programm lid-direttorati ġenerali fil-qasam tar-riċerka, l-aġenziji eżekuttivi u l-impriżi konġunti kollha involuti fl-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020;

45.

Jissuġġerixxi li r-rwol għall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali jenħtieġ li jitqawwa b'mod li jiġi pprovdut appoġġ tekniku ta' kwalità fuq il-post; valutazzjoni annwali tar-riżultati, taħriġ u gwadanji għall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali li jkollhom prestazzjoni effikaċi jżidu r-rata ta' suċċess tal-programm Orizzont 2020.

46.

Jilqa' wkoll il-fatt li sehem il-fondi minn Orizzont 2020 li ġie allokat għall-intrapriżi żgħar u medji żdied minn 19,4 % fl-2014 għal 23,4 % fl-2015, u jirrakkomanda li din ix-xejra titħeġġeġ b'mod proattiv;

47.

Jikkunsidra li huwa inaċċettabbli li d-DĠ Riċerka u Innovazzjoni ma kkonformax mat-talba tal-Parlament li d-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni jeħtiġilhom jippubblikaw kull rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiżi individwali li joħorġu fir-rapporti annwali tal-attività tagħhom;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri biex tiżgura paga ndaqs għar-riċerkaturi li jagħmlu l-istess xogħol fi ħdan l-istess proġett u biex tipprovdi lista, ta' nazzjonalitá, tal-intrapriżi kollha elenkati fil-Borża u/jew li juru profitt fid-dikjarazzjoni annwali tal-kontijiet u li jirċievu fondi mill-Orizzont 2020;

49.

Jirrikonoxxi li l-elementi l-ġodda li ġew introdotti f'Orizzont 2020 jirriflettu wkoll l-osservazzjonijiet li saru mill-Qorti;

50.

Ifakkar li qed jitħejja d-Disa' Programm Qafas ta' Riċerka; jissottolinja l-bżonn li jiġu żgurati li l-aħjar prattiki tal-Orizzont 2020 jintużaw fid-definizzjoni tal-programm; jissuġġerixxi aktar finanzjament għal innovazzjoni, li hi ekonomikament effiċjenti għas-settur kummerċjali, u flessibbiltà akbar bejn il-baġits tas-sottoprogrammi differenti sabiex jiġi evitat nuqqas ta' finanzjament għal dawk kwalifikati bħala “eċċellenti”;

Riperkussjonijiet għall-FP7 dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

51.

Jinnota b'rispett il-vot taċ-ċittadini tar-Renju Unit tat-23 ta' Ġunju 2016, li permezz tiegħu esprimew ir-rieda politika li jitilqu mill-Unjoni Ewropea;

52.

Jilqa' l-ħidma tal-House of Commons tar-Renju Unit fl-evalwazzjoni tar-riperkussjonijiet ta' dan il-vot fuq il-qasam tax-xjenza u r-riċerka (10), u fit-tentattiv li jżommu l-impatt negattiv fuq il-kompetittività Ewropea f'livell minimu;

53.

Jindika li l-organizzazzjonijiet ibbażati fir-Renju Unit irċevew EUR 1,27 biljun f'sejħiet għal finanzjament b'għotjiet fl-2014, li kienu jirrappreżentaw 15 % tat-total, u EUR 1,18-il biljun f'sejħiet fl-2015, li kienu jirrappreżentaw 15,9 % tat-total – l-akbar sehem ta' finanzjament mill-UE li Stat Membru rċieva f'dik is-sena (11);

Konklużjonijiet

54.

Jikkonkludi li l-ġestjoni tal-ispejjeż tal-FP7 min-naħa tal-Kummissjoni – kumplessivament – kienet waħda effikaċi; jinnota li l-programm tejjeb ukoll l-effikaċja tiegħu minkejja d-dewmien u r-rati ta' żball ripetuti fl-implimentazzjoni tiegħu;

55.

Jilqa' l-fatt li t-tħassib tal-Qorti ġie kkunsidrat;

56.

Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-modernizzazzjonijiet li ġew introdotti taħt Orizzont 2020, bħal rati fissi għall-ispejjeż indiretti, strateġija tal-awditjar waħda, portal għall-parteċipanti wieħed, eċċ., jiġu applikati b'mod simili fl-oqsma ta' politika l-oħra, eż. il-fondi strutturali; jisħaq li jkun tajjeb li l-benefiċjarji kollha tal-għotjiet jiġu ttrattati b'mod ġust u ugwali;

57.

Jappella lill-Istati Membri jagħmlu sforz addizzjonali bl-għan li jintlaħaq l-objettiv li 3 % tal-PDG jiġi investit fir-riċerka; iqis li dan kieku jagħti spinta lill-eċċellenza u l-innovazzjoni; jappella għalhekk lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibbiltà li tipproponi Patt favur ix-Xjenza fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, billi tibni fuq id-dinamika li diġà nħolqot mill-Patt tas-Sindki;

58.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, fir-rapporti ta' evalwazzjoni tagħhom, iż-żewġ aġenziji, l-REA u l-ERCEA, indikaw li ċ-ċirkwiti ta' feedback u l-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi jistgħu jittejbu ulterjorment;

o

o o

59.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU C 373, 10.11.2015, p. 1.

(5)  http://www.parliament.uk/business/committees/committees-a-z/commons-select/science-and-technology-committee/inquiries/parliament-2015/leaving-the-eu-inquiry-16-17/publications/

(6)  ĠU L 246, 14.9.2016, p. 25.

(7)  Impenn u Koerenza, evalwazzjoni ex post tas-Seba' Programm Kwadru tal-UE, Novembru 2015 https://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/fp7_final_evaluation_expert_group_report.pdf

(8)  

(9)  COM(2016)0675, p. 18 u19.

(10)  Ara r-rapport tal-House of Commons tar-Renju Unit, il-Kumitat tax-Xjenza u Teknoloġija tas-16 ta' Novembru 2016.

(11)  Ir-Rapport ta' Monitoraġġ tal-2015 dwar Orizzont 2020, p. 21 f.


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/17


P8_TA(2017)0247

L-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja (2016/2220(INI))

(2018/C 331/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom dawk li jirrigwardaw id-dritt għal ċittadinanza, bħall-Karta tan-NU, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali, il-Konvenzjoni tal-1954 dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi, il-Konvenzjoni tal-1961 dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom,

wara li kkunsidra l-istrumenti l-oħrajn tan-NU fil-qasam tal-apolidija u tad-dritt għal ċittadinanza, bħall-konklużjoni nru 106 dwar l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-apolidija u l-protezzjoni tal-apolidi tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) (1), approvata mir-riżoluzzjoni A/RES/61/137 tal-2006 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

wara li kkunsidra l-Kampanja Globali biex tintemm l-Apolidija sal-2024 tal-UNHCR (2) kif ukoll il-Kampanja Globali għad-Drittijiet għal Ċittadinanza Indaqs appoġġata mill-UNHCR, mill-UN Women u minn oħrajn, u approvata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-15 ta' Lulju 2016 dwar id-drittijiet tal-bniedem u t-tiċħid arbitrarju taċ-ċittadinanza (A/HRC/RES/32/5),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni ta' Vjenna (3), adottati mill-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-25 ta' Ġunju 1993,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni ġenerali nru 32 tal-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) dwar id-dimensjoni relatata mal-ġeneru tal-istatus tar-rifuġjati, l-asil, iċ-ċittadinanza u l-apolidija tan-nisa (4),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jgħid li “[f]ir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja”, l-UE jeħtiġilha tikkontribwixxi għall-“qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b'mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 (6),

wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-25 ta' Ġunju 2012 (7),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2015 dwar l-apolidija (8),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar l-istrateġija tal-UE fir-rigward tal-Myanmar/Burma (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni f'pajjiżi terzi (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (12),

wara li kkunsidra l-istudju ta' Novembru 2014 tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni bit-titolu “Addressing the Human Rights impact of statelessness in the EU’s external action”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0182/2017),

A.

billi r-reġjun tan-Nofsinhar u tax-Xlokk tal-Asja jikkonsisti minn dawn il-pajjiżi li ġejjin: l-Afganistan, il-Bangladesh, il-Bhutan, il-Brunei, il-Kambodja, l-Indja, l-Indoneżja, il-Laos, il-Malasja, il-Maldivi, il-Myanmar, in-Nepal, il-Pakistan, il-Filippini, Singapore, is-Sri Lanka, it-Tajlandja, Timor Leste u l-Vjetnam, li lkoll huma membri, jew għandhom status ta' osservatur, tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) jew tal-Assoċjazzjoni tal-Asja tan-Nofsinhar għall-Kooperazzjoni Reġjonali (SAARC);

B.

billi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tafferma li l-individwi kollha jitwieldu ugwali fid-dinjità u fid-drittjiet; billi d-dritt għal ċittadinanza u d-dritt li ċ-ċittadinanza ta' individwu ma tiġix arbitrarjament imċaħħda huma minquxa fl-Artikolu 15 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll fi strumenti internazzjonali oħrajn li jittrattaw id-drittijiet tal-bniedem; billi, madankollu, l-istrumenti ġuridiċi internazzjonali għad iridu jilħqu l-objettiv primarju tagħhom li jiżguraw id-dritt għal ċittadinanza ta' kull persuna;

C.

billi d-drittijiet tal-bniedem huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati; billi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma drittijiet mat-twelid ta' kull bniedem u l-protezzjoni u l-promozzjoni tagħhom jikkostitwixxu l-aktar kompitu importanti ta' gvern;

D.

billi l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li ġiet ratifikata mill-pajjiżi kollha tan-Nofsinhar u tax-Xlokk tal-Asja, tistabbilixxi li t-tfal għandhom jiġu rreġistrati immedjatament wara li jitwieldu u għandu jkollhom id-dritt li jiksbu ċittadinanza; billi huwa stmat li nofs l-apolidi tad-dinja huma tfal u li ħafna minnhom huma apolidi mit-twelid;

E.

billi skont id-Dikjarazzjoni tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kull individwu għandu dritt għal ċittadinanza kif preskritt mil-liġi u li l-ebda individwu ma jkun arbitrarjament imċaħħad miċ-ċittadinanza tiegħu, u lanqas ma jkunlu rifjutat id-dritt li jbiddel tali ċittadinanza;

F.

billi l-Konvenzjoni tal-1954 dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi tiddefinixxi lill-persuna apolida bħala persuna li l-ebda Stat ma jikkunsidraha bħala ċittadin tiegħu b'applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu; billi l-kawżi tal-apolidija jistgħu jkunu varji, fosthom, bħala eżempju: is-suċċessjoni u d-dissoluzzjoni ta' Stati, in-neċessità li l-persuni jaħarbu minħabba ċirkostanzi eżistenti, il-migrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll: modifiki u lakuni fil-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza, l-iskadenza taċ-ċittadinanza minħabba li dak li jkun għex żmien twil barra minn pajjiżu, it-tiċħid arbitrarju taċ-ċittadinanza, id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru, tar-razza, tal-etnija jew ta' raġunijiet oħra, ostakli amministrattivi u burokratiċi fosthom il-ksib jew ir-reġistrazzjoni taċ-ċertifikati tat-twelid; billi il-maġġor parti tal-kawżi, jekk mhux dawn kollha, tista' tinsab fil-każijiet ta' apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja;

G.

billi huwa importanti li jkun osservat li l-istatus ta' apolidija ta' persuna huwa kwistjoni distinta mill-istatus ta' rifuġjat; billi l-maġġoranza tal-apolidi qatt ma ħalliet art twelidha jew ma qasmet konfini internazzjonali;

H.

billi l-apolidija hija problema multidimensjonali u twassal għal firxa wiesgħa ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fosthom, iżda mhux biss, il-problemi marbuta maċ-ċertifikati tat-twelid u ma' dokumenti tal-istat ċivili oħrajn, kif ukoll problemi oħrajn marbutin mad-drittijiet tal-proprjetà, mal-esklużjoni mill-programmi tas-saħħa tat-tfal u mis-sistemi skolastiċi pubbliċi, mas-sjieda tal-impriżi, mar-rappreżentanza politika u mal-parteċipazzjoni fil-vot, mal-aċċess għas-sigurtà soċjali u għas-servizzi pubbliċi; billi l-apolidija tista' tikkontribwixxi għat-traffikar tal-bnedmin, għad-detenzjoni arbitrarja, għall-ksur tal-libertà ta' moviment, għall-isfruttament u għall-abbuż tat-tfal u għad-diskriminazzjoni fil-konfront tan-nisa;

I.

billi l-apolidija għadha tirċievi attenzjoni internazzjonali limitata minkejja l-implikazzjonijiet globali u reġjonali inkwetanti ħafna tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem, u għadha titqies bħala affari interna tal-Istati; billi t-tnaqqis u, maż-żmien, l-abolizzjoni tal-apolidija jenħtieġ li jsiru prijorità tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell internazzjonali;

J.

billi d-diskriminazzjoni sesswali f'ambitu leġiżlattiv, pereżempju għall-ksib taċ-ċittadinanza jew biex din tgħaddi għall-wild jew għall-konjuġi, għadha preżenti fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja f'pajjiżi bħan-Nepal, il-Malasja u l-Brunei;

K.

billi skont l-istimi tal-UNHCR, it-twelid ta' 135 miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin fir-reġjun ma ġiex irreġistrat u huma f'riskju ta' apolidija;

L.

billi t-tmiem tal-apolidija se jwassal ukoll għal aktar demokrazija, billi l-ex apolidi se jiddaħħlu fil-proċess demokratiku u jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom fih;

M.

billi l-problema kumplessa tal-apolidija għadha relegata fil-periferija tal-politika u tad-dritt internazzjonali, minkejja li din mhijiex kwistjoni marġinali;

N.

billi l-apolidija ddgħajjef il-prospettivi ta' żvilupp tal-popolazzjonijiet milquta u tal-implimentazzjoni effikaċi tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

O.

billi l-Pjan ta' Azzjoni Globali biex tintemm l-Apolidija (2014-2024) tal-UNHCR jimmira li jsostni lill-gvernijiet huma u jsolvu s-sitwazzjonijiet ewlenin eżistenti ta' apolidija, biex ikun evitat li jfeġġu każijiet ġodda u jiġu identifikati u protetti b'mod aħjar il-popolazzjonijiet apolidi; billi l-Azzjoni nru 10 tal-Pjan ta' Azzjoni tindika wkoll il-bżonn ta' titjib tad-data kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-apolidija; billi l-UE impenjat ruħha li ssostni b'mod attiv il-Pjan ta' Azzjoni;

P.

billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 jaffermaw l-importanza li tkun indirizzata l-kwistjoni tal-apolidija fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi prijoritarji u li l-isforzi jkunu kkonċentrati fuq il-prevenzjoni tal-ħolqien ta' popolazzjonijiet apolidi bħala konsegwenza ta' kunflitt, spostament jew dissoluzzjoni ta' Stati;

Q.

billi r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja – ħarġiet skont il-pajjiż u r-reġjun tal-20 ta' Settembru 2016 jafferma l-għan tal-UE li żżid il-konsistenza, l-effikaċja u l-viżibilità tad-drittijiet tal-bniedem fil-politika barranija tal-EU kif ukoll l-għan li jitqawwa l-impenn tal-UE man-Nazzjonijiet Uniti u l-mekkaniżmi reġjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem biex titrawwem is-sjieda reġjonali u tkun promossa l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem, u jsemmi speċifikament li dan jinkludi t-tnedija tal-ewwel djalogu politiku dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-mekkaniżmi fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN);

R.

billi l-UE ddeterminat li se tqiegħed lid-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi;

S.

billi l-apolidija tqanqal il-movimenti tal-popolazzjoni, l-emigrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin, b'hekk is-sottoreġjun kollu jkun destabbilizzat;

T.

billi ħafna mill-10 miljun persuna apolida fid-dinja jirrisjedu fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja, u li r-Rohingya tal-Myanmar huma l-akbar grupp ta' apolidi fid-dinja, b'aktar minn miljun ruħ taħt il-mandat tal-apolidija tal-UNHCR, iżda komunitajiet kbar ta' apolidi jinsabu wkoll fit-Tajlandja, fil-Malasja, fil-Brunei, fil-Vjetnam, fil-Filippini u fi bnadi oħra; billi t-Tibetani apolidi jgħixu f'pajjiżi bħall-Indja u n-Nepal; billi wħud minn dawn il-gruppi jidħlu fi ħdan il-mandat tal-apolidija tal-UNHCR, iżda oħrajn le; billi l-kopertura statistika u r-rapportar dwar il-popolazzjonijiet apolidi fid-dinja kollha mhumiex kompleti peress li mhux il-pajjiżi kollha jżommu statistika dwar din it-tema; billi n-Nofsinhar u x-Xlokk tal-Asja t-tnejn għandhom każijiet li ilhom ikarkru u li baqgħu bla soluzzjoni, kif ukoll każijiet li fihom sar progress;

U.

billi f'dawn l-aħħar snin sar progress fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja bis-saħħa ta' emendi tal-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċittadinanza li daħħlu dispożizzjonijiet adegwati li jipprevjenu l-apolidija u jippermettu lill-apolidi jiksbu ċittadinanza; billi dawn l-isforzi għandhom bżonn li jissaħħu u l-liġijiet adottati jeħtiġilhom li jiġu osservati fil-prattika;

V.

billi r-Rohingya huma waħda mill-minoranzi l-aktar persegwitati fid-dinja, jikkostitwixxu wieħed mill-akbar gruppi ta' apolidi, u ilhom uffiċjalment apolidi minn meta ġiet promulgata l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza ta' Burma tal-1982; billi r-Rohingya mhumiex aċċettati mill-awtoritajiet tal-Myanmar u mill-pajjiżi ġirien, għalkemm xi wħud minn dawn tal-aħħar jospitaw popolazzjonijiet kbar ta' rifuġjati; billi fl-Istat ta' Rakhine hemm attwalment il-kunflitti; billi eluf ta' rifuġjati li rnexxielhom jaqsmu l-fruntiera mal-Bangladesh jinsabu fi bżonn iddisprat ta' assistenza umanitarja u qegħdin jintbagħtu lura bil-forza, bi ksur tad-dritt internazzjonali; billi r-Rohingya qegħdin jaħarbu minn politika ta' kastig kollettiv fl-Istat ta' Rakhine, fejn il-forzi ta' sigurtà qegħdin jorganizzaw attakki ta' tpattija indiskriminati li, skont rapporti, jinvolvu l-isparar lejn l-abitanti rurali minn ħelikopters armati, il-ħruq ta' djar, arresti arbitrarji u stupru ta' nisa u bniet; billi, sal-lum, ir-risposti nazzjonali u internazzjonali għad-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem u għall-kriżi umanitarja tar-Rohingya ma kinux, fil-biċċa l-kbira, biżżejjed u bosta strumenti għar-riżoluzzjoni tal-problema għadhom ma ġewx eżaminati;

W.

billi mijiet ta' eluf tal-hekk imsejħa “Bihari” ma ġewx ittrattati bħala ċittadini tal-Bangladesh wara l-gwerra tal-indipendenza tal-Bangladesh, meta l-Pakistan irrifjuta r-rimpatriju tagħhom; billi, madankollu, għadd ta' deċiżjonijiet tal-qorti mill-2003 kkonfermaw li l-Bihari huma ċittadini tal-Bangladesh; billi għadd kbir ta' Bihari għadu mhuwiex integrat bis-sħiħ fis-soċjetà u fil-programmi ta' żvilupp tal-Bangladesh u ħafna ma setgħux jeżerċitaw bis-sħiħ drittijiethom li ġew ikkonfermati mill-ġdid;

X.

billi fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja jeżistu ħafna gruppi apolidi oħrajn; billi, madankollu, f'dawn l-aħħar snin kien hemm għadd ta' żviluppi pożittivi, bħal fl-Indoneżja, li aboliet id-diskriminazzjoni sesswali fil-proċedura ta' ksib taċ-ċittadinanza tagħha u rriformat il-liġi dwar iċ-ċittadinanza tagħha fl-2006 biex il-migranti Indoneżjani li jqattgħu aktar minn ħames snin barra mill-pajjiż ma tiġihomx imċaħħda aktar iċ-ċittadinanza tagħhom jew tali telf ta' ċittadinanza jirriżulta f'apolidija; fil-Kambodja, fejn ir-reġistrazzjoni tat-twelid saret bla ħlas fl-ewwel 30 ġurnata mit-twelid; fil-Vjetnam, li fl-2008, aġevola n-naturalizzazzjoni ta' kull min kien residenti apolidu li ilu aktar minn 20 sena jgħix il-Vjetnam. u fit-Tajlandja, b'segwitu għar-riforma taċ-ċittadinanza u tal-liġijiet dwar ir-reġistrazzjoni ċivili, 23 000 persuna apolida kisbu ċ-ċittadinanza mill-2011;

Y.

billi huwa importantissmu li l-gvernijiet u l-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi kollha fir-reġjun jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' non-refoulement u jipproteġu r-rifuġjati, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tagħhom u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

Z.

billi l-gruppi apolidi jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-programmi umanitarji li jipprovdu assistenza mil-lat ta' saħħa, ikel, edukazzjoni u nutrizzjoni;

1.

Jinsab imħasseb dwar il-miljuni ta' każijiet ta' apolidija fid-dinja kollha, partikolarment fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-apolidi;

2.

Jinsab estremament imħasseb dwar is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya fil-Myanmar; jinsab imkexkex bir-rapporti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-massa u tar-repressjoni u tad-diskriminazzjoni kontinwi tar-Rohingya u bin-nuqqas ta' rikonoxximent tagħhom bħala parti mis-soċjetà tal-Myanmar, f'dik li tidher li hija kampanja koordinata ta' tindif etniku; jisħaq fuq il-fatt li r-Rohingya ilhom ġenerazzjonijiet sħaħ jgħixu fit-territorju tal-Myanmar u għandhom totalment dritt għaċ-ċittadinanza tal-Myanmar, kif kellhom fil-passat, kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi kollha li din tinvolvi; iħeġġeġ lill-gvern u lill-awtoritajiet tal-Myanmar jerġgħu jagħtu ċ-ċittadinanza tal-Myanmar lill-minoranza Rohingya; iħeġġeġ, barra minn hekk, il-ftuħ immedjat tal-Istat ta' Rakhine għall-organizzazzjonijiet umanitarji, għall-osservaturi internazzjonali, għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u għall-ġurnalisti; jemmen li se jkollhom jiġu organizzati investigazzjonijiet imparzjali bil-għan li dawk responsabbli tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jagħtu kont ta' għemilhom; jemmen, barra minn hekk, li hemm bżonn ta' miżuri urġenti għall-prevenzjoni ta' atti ulterjuri ta' diskriminazzjoni, ostilità u vjolenza fil-konfront tal-minoranzi jew tal-inċitament għal tali atti; jistenna li r-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi u tal-Premju Sakharov, is-Sa Suu Kyi, tuża d-diversi pożizzjonijiet tagħha fil-Gvern tal-Myanmar biex ir-riżoluzzjoni toqrob;

3.

Jiddispjaċih li l-istatus ta' apolidija, f'ċerti każijiet, jiġi sfruttat biex komunitajiet speċifiċi jiġu emarġinati u jiġu mċaħħda minn drittijiethom; jemmen li l-inklużjoni ġuridika, politika u soċjali tal-minoranzi hija element kruċjali ta' tranżizzjoni demokratika u li r-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-apolidija tkun tikkontribwixxi biex jitjiebu l-koeżjoni soċjali u l-istabilità politika;

4.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-apolidija tista' tikkawża kriżijiet umanitarji notevoli u jtenni li l-apolidi jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-programmi umanitarji; jissottolinja l-fatt li l-apolidija spiss timplika nuqqas ta' aċċess għall-edukazzjoni, għas-servizzi tas-saħħa, għax-xogħol, għal-libertà tal-moviment u għas-sigurtà;

5.

Jinsab imħasseb bin-nuqqas ta' data dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja, bi ftit jew l-ebda data disponibbli pereżempju għall-Bhutan, għan-Nepal u għal Timor Leste; jinsab ukoll imħasseb dwar il-fatt li anki meta n-numri kumplessivi huma disponibbli, hemm nuqqas ta' data diżaggregata relatata, ngħidu aħna, man-nisa, mat-tfal u ma' gruppi vulnerabbli oħra; jirrimarka li dan in-nuqqas ta' informazzjoni jagħmilha aktar diffiċli biex jiġu fformulati azzjonijiet immirati, anki fi ħdan il-qafas tal-kampanja tal-UNHCR biex tintemm l-apolidija sal-2024; jinkoraġġixxi bis-saħħa lill-pajjiżi tan-Nofsinhar u tax-Xlokk tal-Asja jipproduċu data diżaggregata pubblika u affidabbli dwar l-apolidija;

6.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jeżistu wkoll eżempji pożittivi, ngħidu aħna l-inizjattiva tal-Filippini ta' Mejju 2016 maħsuba biex tindirizza l-bżonn ta' data dwar l-entità u s-sitwazzjoni tal-apolidija tat-tfal fir-reġjun; jistieden lill-UE toffri l-kooperazzjoni u s-sostenn tagħha biex titfassal mappa komprensiva tal-apolidija u jkunu identifikati l-proġetti intiżi li jtemmu l-apolidija fir-reġjun;

7.

Jinsab imħasseb ħafna bil-fatt li l-Istati tal-Brunei, tal-Malasja u tan-Nepal għandhom leġiżlazzjoni diskriminatorja bbażata fuq il-ġeneru; jisħaq fuq il-bżonn ta' rieżami tad-dispożizzjonijiet relatati mal-liġi dwar iċ-ċittadinanza, b'mod partikolari fil-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW);

8.

Jilqa' favorevolment l-iżviluppi pożittivi fir-reġjun kif ukoll l-isforzi fil-Filippini, fil-Vjetnam u fit-Tajlandja, u jinkoraġġixxi lill-pajjiżi fir-reġjun jikkollaboraw u jikkondividu l-aħjar eżempji u sforzi ħalli tintemm l-apolidija fir-reġjun kollu kemm hu;

9.

Ifakkar fis-sitwazzjoni wara li tintemm l-apolidija fir-reġjun u fil-prinċipju tal-parteċipazzjoni bħala dritt tal-bniedem; jippromwovi l-inklużjoni tal-komunitajiet milquta mill-apolidija u tal-ex popolazzjonijiet apolidi fil-proġetti u fl-ippjanar tal-iżvilupp; jinkoraġġixxi lill-gvernijiet u lill-proġetti ta' żvilupp jindirizzaw il-problema tad-diskriminazzjoni fil-perjodu wara li tintemm l-apolidija, billi jieħdu spunt mill-Artikolu 4(1) tas-CEDAW immirat li jaċċelera l-parità de facto;

10.

Huwa u jirrikonoxxi lis-sovranità nazzjonali fuq kwistjonijiet bħaċ-ċittadinanza, iħeġġeġ lill-pajjiżi b'popolazzjonijiet apolidi jieħdu miżuri konkreti biex isolvu l-kwistjoni tal-apolidija, konformement mal-prinċipji minquxa fil-konvenzjonijiet internazzjonali li huma lkoll irratifikaw, partikolarment il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; josserva n-numru ta' żviluppi pożittivi li ġraw fir-reġjun;

11.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladesh jirrispetta pjan direzzjonali ċar li jippermetti l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Paċi taċ-Chittagong Hill Tracts tal-1997 u, b'hekk, ir-riabilitazzjoni tal-persuni Jumma spostati li attwalment jgħixu fl-Indja u huma apolidi;

12.

Jinkoraġġixxi b'enerġija lill-Istati jimplimentaw il-miżura ta' salvagwardja, li hija wkoll minquxa fil-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija, li tipprevedi li l-Istat jikkonċedi ċ-ċittadinanza anki lil persuna li twieldet fit-territorju tiegħu li inkella tkun apolida;

13.

Jenfasizza r-rabtiet bejn l-apolidija u l-vulnerabilità ekonomika u soċjali; iħeġġeġ lill-gvernijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jevitaw it-tiċħid, it-telf jew il-privazzjoni taċ-ċittadinanza fuq bażi diskriminatorja, jadottaw liġijiet ekwi dwar iċ-ċittadinanza u jimplimentaw proċeduri nazzjonali ta' dokumentazzjoni aċċessibbli, bi prezzijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji;

14.

Jilqa' pożittivament l-impenn li ħa l-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 bil-għan li jittratta l-kwistjoni tal-apolidija fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi prijoritarji, u barra minn dan jilqa' favorevolment l-impenn tal-Kunsill biex isaħħaħ ir-relazzjoni mal-ASEAN; jirrakkomanda li l-enfasi tal-isforzi tmur lil hinn mill-ħolqien ta' popolazzjonijiet apolidi kkawżat minn kunflitt, spostament u dissoluzzjoni ta' Stati u tinkludi aspetti rilevanti oħrajn, bħall-apolidija bħala konsegwenza ta' diskriminazzjoni kif ukoll ta' nuqqas ta' reġistrizzjoni ċivili jew tat-twelid;

15.

Ifakkar fl-azzjonijiet imwiegħda fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 fir-rigward tal-iżvilupp ta' qafas konġunt bejn il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bl-iskop li jitqajmu l-kwistjonijiet marbuta mal-apolidija fil-pajjiżi terzi; jenfasizza li l-elaborazzjoni u d-disseminazzjoni ta' qafas formali jkunu parti strumentali tas-sostenn tal-Unjoni Ewropea għall-objettiv tal-UNHCR immirat li jtemm l-apolidija fid-dinja sal-2024;

16.

Jistieden lill-UE tippromwovi l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet globali għall-apolidija, flimkien ma' strateġiji reġjonali jew lokali speċifiċi, billi approċċ universali ma jkunx biżżejjed effiċjenti biex jegħleb l-apolidija;

17.

Jemmen li jenħtieġ li l-UE tenfasizza b'aktar qawwa r-riperkussjonijiet ewlenin tal-apolidija fuq il-kwistjonijiet globali bħall-qerda tal-faqar, l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), il-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal u l-bżonn li jiġu indirizzati l-migrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin;

18.

Jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli nru 16.9, li jipprevedi li l-identità ġuridika u r-reġistrazzjoni tat-twelid għandhom jingħataw lil kulħadd; jiddispjaċih, madankollu, li l-apolidija ma tissemmiex b'mod espliċitu fl-Aġenda 2030, la bħala bażi għal diskriminazzjoni u lanqas bħala objettiv tat-tnaqqis tal-faqar; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkunsidraw l-inklużjoni ta' indikaturi tal-apolidija fil-mekkaniżmi ta' sorveljanza u rapportar tagħhom fl-implimentazzjoni tal-SDGs;

19.

Jenfasizza l-importanza ta' strateġija ta' komunikazzjoni effikaċi dwar l-apolidija għas-sensibilizzazzjoni tal-kwistjoni; jistieden lill-UE tikkomunika aktar u aħjar dwar l-apolidija, f'kooperazzjoni mal-UNHCR, u permezz tad-delegazzjonijiet tagħha fil-pajjiżi terzi kkonċernati, u tikkonċentra fuq il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li ġie kommess bħala konsegwenza tal-apolidija;

20.

Jistieden lill-UE tiżviluppa strateġija komprensiva dwar l-apolidija msejsa fuq żewġ gruppi ta' miżuri; jikkunsidra li l-ewwel grupp għandu jittratta s-sitwazzjonijiet urġenti filwaqt li t-tieni għandu jiddefinixxi l-miżuri fit-tul biex tintemm l-apolidija; jemmen li l-istrateġija għandha tikkonċentra fuq għadd limitat ta' prijoritajiet u li l-UE jenħtieġ li tmexxi bl-eżempju fl-eventwalità ta' sitwazzjonijiet urġenti sabiex tissensibilizza dwar l-apolidija fil-livell internazzjonali;

21.

Jisħaq fuq il-fatt li l-istrateġija komprensiva tal-UE dwar l-apolidija għandha tkun adattabbli għal sitwazzjonijiet speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-apolidi; jenfasizza li, bil-għan li jiġu definiti miżuri xierqa, hemm bżonn issir distinzjoni bejn l-apolidija li rriżultat minn nuqqas ta' kapaċità amministrattiva u l-apolidija li rriżultat minn politika diskriminatorja ta' Stat fil-konfront ta' ċerti komunitajiet jew minoranzi;

22.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħmlu prijorità s-sostenn lill-iżviluppi pożittivi fl-indirizzar tal-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja, u jipproponi approċċ politiku komprensiv ġdid li, fost affarijiet oħra:

l-Istati jkunu inkoraġġiti jaderixxu għall-Konvenzjonijiet dwar l-Apolidija billi jiġu enfasizzati l-vantaġġi tagħhom fil-kuntatti bilaterali bejn il-parlamenti u l-ministeri u f'livelli oħrajn;

jingħata sostenn lill-Korpi Settorjali tal-ASEAN u lill-SAARC fl-appoġġ tagħhom favur l-Istati Membri rispettivi tagħhom biex ikomplu jwettqu d-dritt għal ċittadinanza u tintemm l-apolidija;

ikun enfasizzat il-valur tal-Konvenzjonijiet dwar l-Apolidija fil-fora multilaterali;

issir kollaborazzjoni mal-Istati biex ikunu promossi l-vantaġġi tal-ġbir ta' data nazzjonali intersettorjali, diżaggregata u verifikabbli dwar l-apolidi u dawk b'ċittadinanza indefinita, inkwantu l-identifikazzjoni tal-apolidi tirrappreżenta l-ewwel pass għall-Istati kkonċernati biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex tintemm l-apolidija; id-data li tinġabar tintuża sussegwentement għar-reġistrazzjoni, għad-dokumentazzjoni, għall-forniment tas-servizzi pubbliċi, għaż-żamma tal-ordni pubbliku u għall-ippjanar tal-iżvilupp;

tkun enfasizzata konsistentement li r-reġistrazzjoni tat-twelid jeħtieġ li tkun bla ħlas, faċilment aċċessibbli u magħmula fuq bażi mhux diskriminatorja;

ikun enfasizzat konsistentement li r-reġimi tal-ġestjoni tal-identità nazzjonali jeħtieġ li jinkludu u jfornu dokumentazzjoni tal-identità lill-persuni kollha fuq it-territorju, anki l-gruppi emarġinati jew diffiċli li jintlaħqu li jafu jinsabu f'riskju ta' apolidija jew nuqqas ta' ċittadinanza;

jingħata sostenn lill-pajjiżi tan-Nofsinhar u tax-Xlokk tal-Asja biex ikun żgurat lil kulħadd aċċess għall-edukazzjoni, inklużi t-tfal apolidi, billi l-apolidija tikkostitwixxi ostaklu notevoli li jimpedixxi lit-tfal milli jkunu jistgħu jaċċedu għall-opportunitajiet indaqs fl-edukazzjoni;

jitħeġġeġ ir-rwol importanti tat-teknoloġija innovattiva permezz tal-użu tal-programmi diġitali tar-reġistrazzjoni tat-twelid biex jitjieb it-tagħrif tar-reġistrazzjoni u tal-arkivjazzjoni;

tkun ittrattata l-kwistjoni tal-kontenut u tal-applikazzjoni tal-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza u tal-privazzjoni arbitrarja jew tat-tiċħid tad-dritt għal ċittadinanza abbażi tal-etnija, li tirrappreżenta l-kawża primarja tal-apolidija fir-reġjun;

l-Istati fir-reġjun jitħeġġew jindirizzaw il-bżonnijiet tan-nisa, u l-kwistjonijiet relatati mal-vjolenza sesswali u sessista, permezz ta' approċċi bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-komunità, partikolarment għall-vittmi tat-traffikar;

tkun indirizzata l-kwistjoni tal-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza u d-diskriminazzjoni sesswali, peress li ċerti pajjiżi jagħmluha bi tqila, jekk mhux saħansitra impossibbli, għall-ommijiet biex jgħaddu ċ-ċittadinanza tagħhom lil uliedhom;

ikun żgurat li l-proġetti kollha għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja li l-UE tforni l-fondi għalihom ikunu stabbiliti bil-għan li tkun indirizzata l-apolidija kull meta jkun rilevanti;

tinbena l-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-atturi rilevanti biex jifhmu, jivvalutaw u jipprogrammaw kif ukoll jirrapportaw dwar il-kwistjonijiet tal-apolidija, u jsir rapportar regolari dwar ir-riżultati miksuba mill-UE fil-ġlieda kontra l-apolidija, anki billi tiddaħħal taqsima dwar l-apolidija fir-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-dinja;

ikun żgurat li l-apolidija, in-nazzjonalità u ċ-ċittadinanza jkunu koperti b'mod adegwat fl-istrateġiji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija għall-pajjiżi, u li dawn tal-aħħar ikunu bbażati fuq il-prinċipju li kulħadd, indipendentement mill-ġeneru, razza, kulur, ġilda, twemmin jew reliġjon, oriġini nazzjonali jew appartenenza għal minoranza nazzjonali jew etnika, għandu dritt għal ċittadinanza; tkun ittrattata l-kwistjoni tal-apolidija matul kull djalogu politiku u tad-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi kkonċernati;

jitfasslu linji gwida tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem dwar l-apolidija biex jingħataw objettivi konkreti u li jistgħu jitkejlu għall-isforzi tal-UE biex l-apolidija tintemm fid-dinja kollha;

jiżdied id-djalogu dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja mal-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kif ukoll mal-ġirien tal-pajjiżi tan-Nofsinhar u tax-Xlokk tal-Asja u ma' Stati attivi oħrajn fir-reġjun;

ikun żgurat li l-parteċipanti fil-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali jkunu jafu bil-kwistjonijiet ta' apolidija meta rilevanti;

tkun enfasizzata n-neċessità li tingħata aktar setgħa lill-korpi reġjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem sabiex ikunu jistgħu jiżvolġu rwol aktar attiv fl-identifikazzjoni u fl-eliminazzjoni tal-apolidija;

jiġu riżervati fondi fil-baġits tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-NGOs u organizzazzjonijiet oħra li jaħdmu biex jistabbilixxu kuntatt mal-komunitajiet apolidi; jiġu promossi sħubijiet bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet apolidi biex dawn jingħataw setgħa ħalli jiġġieldu għal drittijiethom;

jitħeġġeġ il-koordinament fost il-pajjiżi biex jindirizzaw l-apolidija, speċjalment meta jkollha effetti transkonfinali, u inkluż l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali dwar il-ġlieda kontra tal-apolidija;

ikun żgurat segwitu, bħal sensibilizzazzjoni u sostenn tekniku għall-amministrazzjonijiet pubbliċi bħala mezz biex jinbnew il-kapaċitajiet, anki fil-livell lokali meta jkun hemm żviluppi pożittivi li jridu jiġu implimentati fil-prattika, bħal fit-Tajlandja, fil-Filippini, fil-Vjetnam u fil-Bangladesh, fejn iċ-ċittadinanza tal-poplu Bihari, inklużi d-drittijiet tal-vot tagħhom, reġgħet ingħatat;

23.

Jistieden lill-gvernijiet tal-Brunei Darussalam, tal-Malasja u tan-Nepal jiġġieldu l-forom ta' diskriminazzjoni sesswali preżenti fil-liġijiet nazzjonali tagħhom u jippromwovu d-dritt tat-tfal għal ċittadinanza;

24.

Jinnota r-rabta bejn l-apolidija u l-ispostament furzat, b'mod partikolari f'reġjuni milquta minn kunflitti; ifakkar li mill-inqas 1,5 miljun persuna apolida fid-dinja huma rifuġjati jew ex rifuġjati, inklużi bosta tfajliet u bniet;

25.

Ifakkar li l-apolidija fid-dinja, fil-biċċa l-kbira, mhijiex immappjata u hija sottorappurtata, u li d-data eżistenti hija bbażata fuq definizzjonijiet differenti; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tadotta definizzjoni unifikata u tindirizza l-lakuni fil-ġbir tad-data għall-kejl tal-apolidija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari billi tassisti lill-awtoritajiet lokali jistabbilixxu metodi adegwati sabiex jikkwantifikaw, jidentifikaw u jirreġistraw il-persuni apolidi, u jsaħħu l-kapaċitajiet statistiċi tagħhom;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni tniedi skambji ta' prattiki tajba fost l-Istati Membri, jinkoraġġixxi koordinament attiv tal-punti ta' kuntatt nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-apolidija, u jilqa' b'sodisfazzjon il-kampanja #IBelong;

27.

Jenfasizza r-rwol fundamentali tal-Konvenzjoni tal-1954 dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi u tal-Konvenzjoni tal-1961 dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija li jirrikjedu l-ħolqien ta' oqfsa ġuridiċi għall-identifikazzjoni u għall-protezzjoni tal-apolidi u għall-prevenzjoni tal-apolidija u jafu jservu ta' punt ta' tluq importanti għal dawk l-Istati li jixtiequ jagħmlu progress fl-indirizzar tal-problema tal-apolidija;

28.

Jilqa' pożittivament l-appoġġ tal-UE għall-persuni apolidi fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja permezz ta' strumenti diversi u jħeġġeġ lill-Unjoni tkompli bl-isforzi tagħha sabiex tindirizza l-impatt tal-apolidija fuq l-iżvilupp, il-paċi u l-istabilità bħala parti integrali tal-programmi tagħha ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u, b'mod aktar ġenerali, permezz tal-azzjoni esterna tagħha;

29.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)  http://www.unhcr.org/excom/exconc/453497302/conclusion-identification-prevention-reduction-statelessness-protection.html

(2)  http://www.unhcr.org/protection/statelessness/54621bf49/global-action-plan-end-statelessness-2014-2024.html

(3)  http://www.ohchr.org/Documents/ProfessionalInterest/vienna.pdf

(4)  http://www.refworld.org/docid/54620fb54.html

(5)  http://www.asean.org/wp-content/uploads/images/ASEAN_RTK_2014/6_AHRD_Booklet.pdf

(6)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10897-2015-INIT/mt/pdf

(7)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11855-2012-INIT/mt/pdf

(8)  http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2015/12/04-council-adopts-conclusions-on-statelessness/

(9)  http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/06/20-fac-conclusions-myanmar-burma/

(10)  Testi adottati, P8_TA(2016)0404.

(11)  Testi adottati, P8_TA(2016)0316.

(12)  ĠU C 316, 30.8.2016, p. 141.


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/25


P8_TA(2017)0248

Fużjonijiet u xissjonijiet transfruntieri

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar fużjonijiet u xissjonijiet transfruntieri (2016/2065(INI))

(2018/C 331/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 49, 54 u 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra s-sitt Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE tas-17 ta' Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar ix-xissjonijiet ta' kumpaniji b'responsabbiltà pubblika limitata (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar mergers [fużjonijiet] transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2157/2001 tal-Kunsill tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta' kumpanija Ewropea (SE) (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-istatut għal kumpannija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati (5),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2012 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva – qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli” (COM(2012)0740),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar il-Futur tad-Dritt Soċjetarju Ewropew (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2009 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta' kumpanija (7),

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar il-bini ta' sistema ta' taxxa korporattiva ġusta, kompetittiva u stabbli għall-UE (COM(2016)0682),

wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) dwar il-libertà tal-istabbiliment, b'mod partikolari fil-kawżi SEVIC Systems AG (8), Cadbury Schweppes plc & Cadbury Schweppes Overseas LtdCommissioners of Inland Revenue (9), CARTESIO Oktató és Szolgáltató bt. (10), VALE Építési kft. (11), KA Finanz AGSparkassen Versicherung AG Vienna Insurance Group (12), Kamer van Koophandel en Fabrieken voor AmsterdamInspire Art Ltd(13), Überseering BVNordic Construction Company Baumanagement GmbH (NCC) (14), Centros Ltd v Erhvervs- og Selskabsstyrelsen (15), u The QueenH. M. Treasury and Commissioners of Inland Revenue, ex parte Daily Mail and General Trust plc. (16),

wara li kkunsidra l-istqarrija ta' feedback tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2015 li tiġbor fil-qosor ir-risposti tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-fużjonijiet u x-xissjonijiet transfruntieri li twettqet bejn it-8 ta' Settembru 2014 u t-2 ta' Frar 2015 (17),

wara li kkunsidra l-istudju tad-Dipartiment Tematiku C tal-Parlament Ewropew: id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali ta' Ġunju 2016 bit-titolu “Cross-border mergers and divisions, transfers of seat: is there a need to legislate?” (18),

wara li kkunsidra l-istudju ta' Diċembru 2016 tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew bit-titolu “Ex-post analysis of the EU framework in the area of Cross-border mergers and divisions” (19);

wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2017 – It-twettiq bil-fatti ta' Ewropa li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi, u b'mod partikolari l-Kapitolu II, Punt 4 tiegħu (COM(2016)0710),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) ta', tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja, u l-Anness 3 għal din id-deċiżjoni,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0190/2017),

A.

wara li kkunsidra l-effett importanti fuq il-kompetittività Ewropea ta' riforma organika tad-dritt soċjetarju kif ukoll l-ostakli li jxekklu t-twettiq sħiħ tad-Direttiva dwar il-fużjonijiet transfruntieri;

B.

wara li kkunsidra li x-xissjonijiet transfruntieri tal-kumpaniji għadhom mhumiex soġġetti għad-dritt tal-Unjoni Ewropea; billi s-sitwazzjoni attwali tinvolvi diffikultajiet proċedurali, amministrattivi u finanzjarji evidenti għan-negozji kkonċernati, kif ukoll ir-riskju ta' abbużi u dumping;

C.

billi l-Parlament għamel appelli qawwijin u kontinwi favur l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni Ewropea dwar it-trasferimenti transfruntieri tal-uffiċċju rreġistratjew is-sede tal-kumpaniji; billi l-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati tappoġġja b'mod globali t-talbiet tal-Parlament;

D.

billi għal finijiet ta' titjib fil-mobbiltà tal-kumpaniji fi ħdan l-UE, huwa importanti li jkun hemm qafas ġuridiku komuni dwar l-operazzjonijiet ta' fużjonijiet, xissjonijiet u trasferimenti tal-kumpaniji;

E.

billi mhux l-Istati Membri kollha li fihom ikunu saru operazzjonijiet ta' fużjonijiet u xissjonijiet transfruntieri jew ta' trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat jew sede għandhom regoli li jagħtu drittijiet lill-ħaddiema fir-rigward tal-konsultazzjoni, l-informazzjoni u l-kodeterminazzjoni;

F.

billi t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat m'għandux jaħrab mir-rekwiżiti ġuridiċi, soċjali u tat-taxxa previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri ta' oriġini, iżda anzi għandu jkollu l-objettiv li jistabbilixxi qafas ġuridiku uniformi li jiżgura t-trasparenza u s-simplifikazzjoni massima tal-proċeduri u li jiġġieled kontra l-frodi tat-taxxa;

G.

billi l-acquis rilevanti tal-UE jipprevedi ġabra wiesgħa ta' drittijiet għal informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni għall-ħaddiema; billi d-Direttiva 2009/38/KE (20) u d-Direttiva 2005/56/KE, jiggarantixxu l-parteċipazzjoni transfruntiera tal-ħaddiema kif ukoll jistabbilixxu l-prinċipju tad-drittijiet preeżistenti; billi jitqies li tali drittijiet tal-ħaddiema għandhom ikunu protetti anki fil-każ ta' trasferiment tas-sede;

H.

billi l-inizjattivi l-ġodda kollha fil-qasam tad-dritt soċjetarju Ewropew għandhom jissejsu fuq evalwazzjoni u valutazzjoni bir-reqqa tal-forom eżistenti tad-dritt tal-kumpaniji, is-sentenzi rilevanti tal-QtĠ dwar il-mobbiltà transfruntiera tal-kumpaniji u l-valutazzjonijiet tal-impatt li jirriflettu l-interessi tal-partijiet interessati kollha, inklużi l-azzjonisti, il-kredituri, l-investituri u l-ħaddiema, filwaqt li jkunu garantiti l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità;

Kwistjonijiet orizzontali

1.

Itenni l-importanza li jiġi ddefinit qafas li jirregola b'mod kumplessiv il-mobbiltà tal-kumpaniji fuq livell Ewropew, sabiex jiġu ssimplifikati l-proċeduri u r-rekwiżiti għat-trasferimenti, għax-xissjonijiet u għall-fużjonijiet, kif ukoll sabiex jiġu evitati abbużi u trasferimenti fittizji bl-iskop ta' dumping soċjali jew tat-taxxi;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li saret bejn it-8 ta' Settembru 2014 u t-2 ta' Frar 2015 dwar ir-reviżjoni possibbli tad-Direttiva 2005/56/KE u dwar l-introduzzjoni ta' qafas leġiżlattiv li jirregola x-xissjonijiet transkonfinali; ifakkar li mill-eżitu tal-konsultazzjoni ħarġet konverġenza dwar il-prijoritajiet regolatorji fil-qasam tal-fużjonijiet u tax-xissjonijiet transfruntieri u fl-objettivi tal-promozzjoni tas-suq intern u tat-trawwim tad-drittijiet tal-ħaddiema;

3.

Jikkunsidra li huwa importanti li l-proposti leġiżlattivi futuri dwar il-mobbiltà tal-kumpaniji jkunu jinkludu dispożizzjonijiet rigward armonizzazzjoni massima – b'mod partikolari dwar l-istandards proċedurali, id-drittijiet tal-atturi fil-governanza tal-kumpaniji, b'mod partikolari dawk minuri, u dwar l-estensjoni tal-applikabbiltà għall-entitajiet kollha definiti bħala kumpaniji jew ditti fis-sens tal-Artikolu 54 tat-TFUE – segwiti minn regoli settorjali oħrajn, bħal pereżempju fil-qasam tad-drittijiet tal-ħaddiema;

4.

Huwa tal-opinjoni li regoli ġodda fir-rigward ta' fużjonijiet, xissjonijiet u trasferimenti tas-sede jenħtieġ jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-kumpaniji fl-Unjoni, filwaqt li jitqiesu l-esiġenzi tan-negozju tagħhom għar-ristrutturar sabiex jiġu sfruttati aħjar l-opportunitajiet tas-suq intern, u biex tiġi ffaċilitata l-libertà tal-organizzazzjoni tal-kumpaniji, b'rispett sħiħ għad-drittijiet tar-rappreżentanza tal-ħaddiema; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-importanza li jitneħħew l-ostakli li jirriżultaw mill-kunflitti ta' liġijiet sabiex jiddeterminaw id-dritt nazzjonali applikabbli; iqis li l-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema jista' jiġi indirizzat permezz ta' diversi atti legali tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' proposta għal direttiva dwar standards minimi għall-ħaddiema u dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati f'forom Ewropej tal-liġi tal-kumpaniji u f'bordijiet superviżorji maħluqa skont il-liġi Ewropea;

Fużjonijiet transfruntieri

5.

Jisħaq dwar l-effikaċja pożittiva tad-Direttiva 2005/56/KE dwar mergers [fużjonijiet] transfruntieri ta' kumpaniji ta' responsabbiltà limitata, li kellha l-funzjoni li tiffaċilita l-fużjonijiet transfruntieri bejn il-kumpaniji ta' responsabbiltà limitata fl-Unjoni Ewropea – kif jidher mill-figuri uffiċjali li jissarrfu f'żieda sinifikanti fin-numru ta' fużjonijiet transfruntieri f'dawn l-aħħar snin – u li tnaqqas l-ispejjeż u l-proċeduri amministrattivi assoċjati;

6.

Iqis li huwa neċessarju li ssir reviżjoni tad-Direttiva 2005/56/KE sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni u sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi reċenti kemm fil-ġurisprudenza tal-QtĠ dwar il-libertà ta' stabbiliment ta' kumpaniji kif ukoll fid-dritt soċjetarju Ewropew; iqis li l-proposta leġiżlattiva futura li temenda d-Direttiva 2005/56/KE għandu jkun fiha ġabra ġdida ta' regoli li jirrigwardaw ix-xissjonijiet ta' kumpaniji u jistabbilixxu ċerti linji gwida għal leġiżlazzjoni ulterjuri fil-qasam tal-mobbiltà tal-kumpaniji;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-konsultazzjoni ta' Ottubru 2015, li huma xhieda b'mod partikolari tal-ħtieġa ta' armonizzazzjoni massima dwar il-kriterji li jirregolaw l-effetti tal-fużjonijiet dwar id-diversi suġġetti interessati tal-kumpanija;

8.

Iqis li hija prijorità li tiġi stabbilita ġabra ta' regoli aktar avvanzati għal serje ta' atturi u kategoriji tal-governanza tal-kumpaniji, u li dawk ir-regoli jiġu rreplikati għall-mudelli komuni futuri dwar xissjonijiet transfruntieri u trasferimenti tal-uffiċċju rreġistrat u tas-sedje prinċipali; jikkunsidra li huwa essenzjali li l-proċeduri ta' fużjoni transfruntiera jiġu ssimplifikati permezz ta' definizzjoni aktar ċara ta' standards għad-dokumentazzjoni ġuridika – li jibdew bil-kwistjonijiet tal-informazzjoni tal-azzjonisti u l-ġbir ta' dokumenti ta' fużjoni – u ta' prattiki ġodda ta' diġitalizzazzjoni, bil-kundizzjoni li jinżammu l-istandards proċedurali u r-rekwiżiti bażiċi stabbiliti fid-Direttiva 2005/56/KE (inkluż il-ħruġ ta' ċertifikat prefużjoni u l-iskrutinju tal-legalità skont l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva) u li jkunu ppreservati l-interessi pubbliċi, bħaċ-ċertezza legali u l-affidabbiltà tar-reġistri kummerċjali;

9.

Jistenna li d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-ħaddiema jkunu ddefiniti b'tali mod li jipprevjenu li xi kumpaniji jużaw id-Direttiva dwar il-fużjonijiet transfruntieri bl-għan uniku li jittrasferixxu l-uffiċċju rreġistrat jew is-sede tagħhom għal raġunijiet ta' abbuż fiskali, soċjali u legali; jenfasizza l-importanza li jiġu evitati l-ambigwitajiet fl-applikazzjoni ta' penali nazzjonali għan-nuqqas ta' rispett lejn il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-ħaddiema;

10.

Iqis li għaldaqstant huwa importanti li jkun hemm titjib f'xi aspetti essenzjali:

il-ġestjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet;

il-metodu ta' valutazzjoni tal-assi;

ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-kredituri;

id-data li fiha jibda l-perjodu ta' protezzjoni tal-kredituri u t-tul ta' dak il-perjodu, f'konformità mal-prinċipju tal-għoti ta' responsabbiltà lil-laqgħa ġenerali;

il-komunikazzjoni ta' informazzjoni dwar il-kumpaniji, permezz tar-reġistri interkonnessi u standardizzati tal-Istati Membri;

id-drittijiet tal-azzjonisti minoritarji;

l-istabbiliment ta' standards minimi tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-kodeterminazzjoni tal-ħaddiema;

ċerti eżenzjonijiet speċifiċi mir-rekwiżiti proċedurali;

11.

Jattribwixxi importanza kbira lill-ħarsien ta' xi drittijiet tal-azzjonisti minoritarji, fosthom id-dritt ta' inkjesta dwar il-fużjoni, id-dritt ta' kumpens lil azzjonist li jċedi l-ishma tiegħu f'kumpanija minħabba oppożizzjoni tal-fużjoni, u d-dritt li tiġi kkontestata l-ġustizzja tar-relazzjoni ta' kambju;

12.

Isostni l-possibbiltà li jiddaħħlu proċeduri transfruntieri mħaffa f'każ ta' kunsens tal-azzjonisti kollha, fejn m'hemmx ħaddiema jew fejn kwalunkwe impatt fuq il-kredituri jkun insinifikanti;

Xissjonijiet transfruntieri

13.

Ifakkar li d-Direttiva 82/891/KEE tirregola biss ix-xissjonijiet ta' kumpaniji fi ħdan Stat Membru; jinnota li, għalkemm każijiet speċifiċi li jinvolvu xissjonijiet ta' impriżi bejn Stati Membri differenti huma iktar rari, kif iddikjarat f'konsultazzjoni tal-Kummissjoni tal-2015, iċ-ċifri dwar xissjonijiet domestiċi juru ħtieġa reali li jkun stabbilit qafas speċjali tal-UE għal xissjonijiet transfruntieri; jisħaq li kwalunkwe direttiva ġdida ma għandhiex tintuża bħala strument formali għal xissjonijiet f'kumpanija għal finijiet ta' għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni (“forum shopping”) biex ikunu evitati l-obbligi ġuridiċi skont id-dritt nazzjonali;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-effetti ekonomiċi importanti li jkunu jidderivaw minn regolament dwar ix-xissjonijiet transfruntieri, fosthom is-simplifikazzjoni tal-istruttura organizzattiva, kapaċità ta' adattament aħjar, u opportunitajiet ġodda għas-suq intern;

15.

Jinnota l-proċeduri kumplessi u fit-tul meħtieġa bħalissa għal xissjonijiet transfruntieri, li huma ġeneralment implimentati f'żewġ fażijiet: xissjoni domestika inizjali u fużjoni transfruntiera sussegwenti; jemmen li l-introduzzjoni ta' standards armonizzati fil-livell tal-UE fil-qasam ta' xissjonijiet transfruntieri twassal għal simplifikazzjoni tal-operazzjonijiet u tnaqqis fl-ispejjeż u t-tul ta' żmien tal-proċeduri;

16.

Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jitneħħew l-ostakli li jirriżultaw mill-kunflitti ta' liġijiet sabiex jiddeterminaw id-dritt nazzjonali applikabbli;

17.

Ifakkar li f'xi Stati Membri ma jeżistux regoli nazzjonali ad hoc dwar kif għandha ssir xissjoni transfruntiera;

18.

Huwa tal-parir li inizjattiva leġiżlattiva futura dwar ix-xissjonijiet transfruntieri għandha tuża l-prinċipji u r-rekwiżiti elenkati fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Fużjonijiet Transkonfinali:

kwistjonijiet proċedurali u ta' simplifikazzjoni, inklużi l-forom ewlenin kollha ta' xissjonijiet ta' kumpaniji li huma pprattikati llum il-ġurnata (split-up, spin-off, hive-down);

id-drittijiet tal-kredituri u tal-azzjonisti minoritarji, waqt li jiġu affermati mill-ġdid il-prinċipji ta' ħarsien u effikaċja;

konformità mal-istandards dwar il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza mill-ħaddiema, u s-salvagwardja tagħhom, bil-għan li titjieb il-protezzjoni tal-ħaddiema, partikolarment il-protezzjoni kontra d-dumping soċjali;

kwistjonijiet ta' kontabbiltà;

assi u obbligazzjonijiet;

l-armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri, pereżempju: id-drittijiet marbuta mal-ishma, ir-rekwiżiti rigward ir-reġistrazzjoni u l-komunikazzjoni bejn ir-reġistri tal-kumpaniji, id-data tat-tlestija tat-tranżazzjoni, il-kontenut minimu tat-termini tax-xissjoni, ir-regoli ta' maġġoranza u korp bis-setgħa li jimmonitorja r-regolarità u l-legalità tat-tranżazzjoni;

o

o o

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

(1)  ĠU L 378, 31.12.1982, p. 47.

(2)  ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1.

(4)  ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22.

(5)  ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.

(6)  ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 78.

(7)  ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 5.

(8)  Kawża C-411/03, SEVIC Systems AG,13.12.2005, ECLI:EU:C:2005:762.

(9)  Kawża C-196/04, Cadbury Schweppes Overseas Ltd v Commissioners of Inland Revenue,12.9.2006, ECLI:EU:C:2006:544.

(10)  Kawża C-210/06, CARTESIO Oktató és Szolgáltató bt.,16.12.2008, ECLI:EU:C:2008:723.

(11)  Kawża C-378/10, VALE Építési kft., 12.7.2012, ECLI:EU:C:2012:440.

(12)  Kawża C-483/14, KA Finanz AG v Sparkassen Versicherung AG Vienna Insurance Group, 7.4.2016, ECLI:EU:C:2016:205.

(13)  Kawża C-167/01, Kamer van Koophandel en Fabrieken voor Amsterdam v Inspire Art Ltd., 30.9.2003, ECLI:EU:C:2003:512.

(14)  Kawża C-208/00, Überseering BV v Nordic Construction Company Baumanagement GmbH (NCC), 5.11.2002, ECLI:EU:C:2002:632.

(15)  Kawża C-212/97, Centros Ltd v Erhvervs- og Selskabsstyrelsen, 9.3.1999, ECLI:EU:C:1999:126.

(16)  Kawża C81/87, The Queen v H. M. Treasury and Commissioners of Inland Revenue, ex parte Daily Mail and General Trust plc., 27.09.1988, ECLI:EU:C:1988:456.

(17)  http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2014/cross-border-mergers-divisions/docs/summary-of-responses_en.pdf

(18)  PE 556.960 http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/556960/IPOL_STU(2016)556960_EN.pdf

(19)  PE 593.796

(20)  Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni tal-impjegati (ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28).


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/30


P8_TA(2017)0253

Valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 fid-dawl tal-evalwazzjoni interim tiegħu u tal-proposta għad-9 Programm Qafas (2016/2147(INI))

(2018/C 331/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1314/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 dwar il-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014-2018) li jikkumplementa l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (3),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi Programm Speċifiku li jimplimenta l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020 (2014-2020) (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1292/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 294/2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (5),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1312/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT): il-kontribuzzjoni tal-EIT għal Ewropa iktar innovattiva (6),

wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014, 558/2014, 559/2014, 560/2014 u 561/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 (7) u r-Regolamenti tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014 (8) u 721/2014 (9) tas-16 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxu l-Impriżi Konġunti ffinanzjati taħt Orizzont 2020,

wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet (UE) Nru 553/2014/UE, 554/2014/UE, 555/2014/UE u 556/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 (10) li jistabbilixxu l-P2Ps tal-Artikolu 185 li huma ffinanzjati taħt Orizzont 2020,

wara li kkunsidra d-Dokumenti ta' Analiżi tat-3 ta' Frar 2017 tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-programmi ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE (11),

wara li kkunsidra r-Rapporti ta' Monitoraġġ tal-Kummissjoni dwar Orizzont 2020 tal-2014 u tal-2015,

wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu “Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: iż-żmien għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-progress” (COM(2017)0035),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża” (COM(2016)0950),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Implimentazzjoni tal-istrateġija għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni” (COM(2016)0657),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa” (COM(2016)0178) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0106),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Dwar it-Tweġiba għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Evalwazzjoni Ex Post tas-Seba' Programm Qafas” (COM(2016)0005),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta' Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2014” (COM(2015)0401),

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni tal-2014 u tal-2015 dwar “Integration of Social Sciences and the Humanities in Horizon 2020: participants, budgets and disciplines” (L-Integrazzjoni tax-Xjenzi Soċjali u Umanistiċi f'Orizzont 2020: parteċipanti, baġits u dixxiplini),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Better regulations for innovation-driven investment at EU level” (Regolamenti aħjar għal investiment immexxi mill-innovazzjoni fil-livell tal-UE) (SWD(2015)0298),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu “Żona Ewropea ta' Riċerka: Rapport ta' Progress 2014” (COM(2014)0575),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi tat-tkabbir imġedded” (COM(2014)0339),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Second Situation Report on Education and Training in the Nuclear Energy Field in the European Union” (it-Tieni Rapport tas-Sitwazzjoni dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ fil-Qasam tal-Enerġija Nukleari fl-Unjoni Ewropea) (SWD(2014)0299),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “FET Flagships: A novel partnering approach to address grand scientific challenges and to boost innovation in Europe” (Teknoloġiji Emerġenti u Futuri Emblematiċi: Approċċ ġdid ta' sħubija biex jiġu indirizzati sfidi xjentifiċi kbar u biex tingħata spinta lill-innovazzjoni fl-Ewropa) (SWD(2014)0283),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “It-Tieni Evalwazzjoni Interim tal-Impriżi Konġunti tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti clean sky, ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu u inizjattiva dwar mediċini innovattivi” (COM(2014)0252),

wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rwol u l-effett tal-ITK u l-PPPs fl-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 għal bidla industrijali sostenibbli (CCMI/142) (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar fondi tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej u programmi tal-UE oħra (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Politika ta' Koeżjoni u l-Istrateġiji ta' Riċerka u Innovazzjoni għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3) (16),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1) (e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0209/2017),

A.

billi Orizzont 2020 huwa l-akbar programm ta' R&I tal-UE li huwa ġestit ċentralment, u l-akbar programm ta' R&I fid-dinja ffinanzjat pubblikament;

B.

billi, fin-negozjar ta' Orizzont 2020 u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali, il-Parlament talab EUR 100 biljun minflok EUR 77 biljun miftiehma inizjalment; billi l-baġit jidher li huwa limitat ħafna jekk Orizzont 2020 għandu jeżamina bis-sħiħ il-potenzjal tiegħu ta' eċċellenza u jirrispondi b'mod adegwat għall-isfidi soċjetali li s-soċjetà Ewropea qed tiffaċċja fil-preżent;

C.

billi r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-Programmi ta' Riċerka u Innovazzjoni tal-UE u l-evalwazzjoni interim ippjanata għat-tielet trimestru tal-2017 għandha tqiegħed is-sisien għall-istruttura u l-kontenut tad-9PQ, li dwaru ser tiġi ppubblikata proposta fl-ewwel nofs tal-2018;

D.

billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja kienet fattur determinanti fit-tfassil ta' Orizzont 2020; billi l-isfidi emerġenti, il-paradigmi politiċi u soċjoekonomiċi l-ġodda u t-tendenzi globali kontinwati x'aktarx se jsawru l-PQ li jmiss;

E.

billi l-PQ irid ikun imsejjes fuq valuri Ewropej, indipendenza xjentifika, approċċ miftuħ, diversità, standards etiċi Ewropej ta' livell għoli, koeżjoni soċjali u aċċess ugwali taċ-ċittadini għas-soluzzjonijiet u għar-risposti li jipprovdi;

F.

billi l-investimenti fir-R&Ż huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali Ewropew u l-kompetittività globali; u billi l-importanza ta' xjenza eċċellenti għat-trawwim tal-innovazzjoni u vantaġġi kompetittivi fit-tul jenħtieġ li tiġi riflessa fil-finanzjament tad-9PQ;

Struttura, filosofija u implimentazzjoni ta' Orizzont 2020

1.

Jikkunsidra li, wara aktar minn tliet snin mit-tnedija ta' Orizzont 2020, wasal iż-żmien għall-Parlament biex jiżviluppa l-pożizzjoni tiegħu dwar l-evalwazzjoni interim tiegħu u viżjoni għad-9PQ futur;

2.

Ifakkar li l-objettiv tal-Orizzont 2020 huwa li jikkontribwixxi għall-bini ta' soċjetà u ekonomija bbażati fuq l-għarfien u l-innovazzjoni u li jsaħħaħ il-bażi xjentifika u teknoloġika u fl-aħħar mill-aħħar il-kompetittività tal-Ewropa billi jagħmel lieva fuq fondi addizzjonali nazzjonali, kemm pubbliċi kif ukoll privati, għar-R&Ż u billi jgħin biex jintlaħaq l-objettiv ta' 3 % tal-PDG għar-R&Ż sal-2020; jesprimi dispjaċir li l-UE investiet biss 2,03 % tal-PDG fir-R&Ż fl-2015, hekk kif iċ-ċifri individwali għad-diversi pajjiżi jvarjaw minn 0,46 % sa 3,26 % (17), filwaqt li l-kompetituri globali ewlenin qed jaqbżu lill-UE fin-nefqa tar-R&Ż;

3.

Ifakkar li ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) tiffaċċja kompetizzjoni diretta mir-reġjuni tar-riċerka bl-aqwa prestazzjoni fid-dinja u li, għalhekk, it-tisħiħ taż-ŻER huwa dmir kollettiv Ewropew; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri rilevanti biex jikkontribwixxu b'mod adegwat biex jintlaħaq l-objettiv ta' 3 % tal-PDG tal-UE għar-R&Ż; jinnota li żieda globali għal 3 % tkun iġġib ukoll ammont ieħor ta' aktar minn EUR 100 biljun fis-sena għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa;

4.

Jisħaq li l-evalwazzjoni tas-7PQ u l-monitoraġġ ta' Orizzont 2020 juru li l-PQ tal-UE għar-riċerka u għall-innovazzjoni huwa suċċess u joffri valur miżjud ċar għall-UE (18); jirrikonoxxi li għad hemm possibilitajiet biex il-PQ u l-programmi futuri jitjiebu;

5.

Jikkunsidra li r-raġunijiet għas-suċċess tiegħu huma l-qafas multidixxiplinari u kollaborattiv u r-rekwiżiti ta' eċċellenza u impatt;

6.

Jifhem li l-għan tal-PQ huwa li jinċentiva l-parteċipazzjoni tal-industrija sabiex iżid l-infiq fuq ir-R&Ż mill-industrija (19); jinnota li l-parteċipazzjoni tal-industrija, inklużi l-SMEs, hija ferm ogħla milli kienet fis-7PQ; ifakkar, madankollu, li, bħala medja, l-industrija ma żiditx b'mod suffiċjenti s-sehem tal-infiq għar-R&Ż kif kien intlaħaq qbil fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Barċellona (20); jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-valur miżjud Ewropew kif ukoll ir-rilevanza għall-pubbliku tal-finanzjament favur l-istrumenti mmexxija mill-industrija bħal Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (ITK) (21), u l-koerenza, l-approċċ miftuħ u t-trasparenza tal-inizjattivi konġunti kollha (22);

7.

Jinnota li l-baġit, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programm huma mifruxa fuq aktar minn 20 korp differenti tal-UE; jistaqsi jekk dan jirriżultax fi sforzi eċċessivi ta' koordinament, kumplessità u duplikazzjoni fl-amministrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur ir-razzjonalizzazzjoni u s-semplifikazzjoni ta' dan;

8.

Jinnota li l-Pilastri 2 u 3 huma prinċipalment iffukati fuq Livelli ta' Tħejjija Teknoloġika (Technology Readiness Levels – TRLs) ogħla, u dan jaf jillimita l-assorbiment futur ta' innovazzjonijiet li jħarbtu s-suq li għadhom fil-fażi ta' ppjanar ta' proġetti ta' riċerka b'TRLs aktar baxxi; jappella għal bilanċ attent tat-TRLs sabiex tkun promossa l-katina ta' valur kollha hemm hi; jikkunsidra li t-TRLs jistgħu jeskludu forom mhux teknoloġiċi tal-innovazzjoni ġġenerata minn riċerka fundamentali jew applikata, b'mod partikolari mix-xjenzi soċjali u umanistiċi;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni toffri taħlita bbilanċjata ta' proġetti żgħar, ta' daqs medju u kbar; josserva li l-baġit medju għall-proġetti żdied fl-ambitu ta' Orizzont 2020 u li l-proġetti akbar huma aktar onerużi fir-rigward tat-tħejjija tal-proposta u tal-ġestjoni tal-proġett, fatt li jiffavorixxi lill-parteċipanti b'aktar esperjenza fil-qasam tal-PQ, joħloq ostakli għall-parteċipanti ġodda u jikkonċentra l-finanzjament f'idejn għadd limitat ta' istituzzjonijiet;

Baġit

10.

Jisħaq li r-rata ta' suċċess attwali ta' anqas minn 14 % (23), li hija baxxa b'mod allarmanti u tirrappreżenta tendenza negattiva meta mqabbla mas-7PQ; jenfasizza li n-numru eċċessiv ta' applikazzjonijiet jagħmilha impossibbli li l-finanzjament jkun disponibbli għal numru kbir ta' proġetti ta' kwalità għolja ħafna u jiddispjaċih li t-tnaqqis impost mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) aggravaw il-problema; jistieden lill-Kummissjoni tevita li tagħmel tnaqqis ulterjuri lill-baġit ta' Orizzont 2020;

11.

Jenfasizza l-pressjonijiet baġitarji li qed jiffaċċjaw il-Programmi Qafas tal-Unjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni; jesprimi dispjaċir minħabba l-effett negattiv li kellha l-kriżi tal-pagamenti fil-baġit tal-UE fuq l-implimentazzjoni tal-programm matul l-ewwel snin tal-QFP attwali; jinnota, fost l-oħrajn, dewmien artifiċjali li jammonta għal EUR 1 biljun f'sejħiet fl-2014 u t-tnaqqis sinifikanti fil-livell ta' prefinanzjament għall-programmi l-ġodda; jenfasizza f'dan il-kuntest li, f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-QFP, ġiet implimentata konċentrazzjoni fil-fażi inizjali ta' riżorsi fl-2014-2015 għal Orizzont 2020; jissottolinja li din il-konċentrazzjoni fil-fażi inizjali ġiet assorbita bis-sħiħ mill-programm, u li dan juri l-prestazzjoni qawwija tiegħu u l-kapaċità li jassorbi anke iżjed; jenfasizza li din il-konċentrazzjoni fil-fażi inizjali ma tibdilx il-pakkett finanzjarju ġenerali tal-programmi, u li dan iwassal rispettivament għal inqas approprjazzjonijiet għat-tieni nofs tal-QFP; jistieden liż-żewġ fergħat tal-Awtorità tal-Baġit u lill-Kummissjoni jiżguraw livell adegwat ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fis-snin li ġejjin, u biex jagħmlu kull sforz biex tiġi evitata kriżi ġdida tal-pagamenti lejn l-aħħar snin tal-QFP attwali;

12.

Jisħaq fuq il-fatt li Orizzont 2020 jeħtieġlu jkun primarjament ibbażat fuq l-għotjiet u orjentat lejn il-finanzjament ta' riċerka fundamentali u kollaborattiva b'mod partikolari; jinsisti li r-riċerka tista' tkun investiment riskjuż ferm għall-investituri u li huwa neċessarju li r-riċerka tkun iffinanzjata permezz ta' għotjiet; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li, fi kwalunkwe każ, l-istituzzjonijiet pubbliċi ħafna drabi lanqas biss ikunu f'pożizzjoni legali li jaċċettaw self; jesprimi dispjaċir dwar it-tendenza, f'xi każijiet, ta' ċaqliq mill-għotjiet lejn l-użu ta' self; jirrikonoxxi li l-istrumenti finanzjarji jenħtieġ li jkunu disponibbli għal TRLs għoljin, li jkunu qrib l-attivitajiet tas-suq bħala parti mill-istrumenti finanzjarji InnovFin, u barra mill-PQ (eż. BEI, skemi tal-FEI);

13.

Jissottolinja l-fatt li bosta Stati Membri mhumiex qegħdin jirrispettaw l-impenji nazzjonali tagħhom ta' investiment fir-R&Ż; jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn li l-objettiv ta' 3 % tal-PDG jintlaħaq u jittama li dan l-objettiv ikun jista' jiżdied għal-livell tal-akbar kompetituri globali tal-UE mill-aktar fis possibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, jidderieġu l-istrateġiji nazzjonali biex jilħqu tali objettiv u jappella għall-allokazzjoni ta' partijiet mill-Fondi Strutturali għal attivitajiet u programmi ta' R&Ż, speċjalment l-investimenti fil-bini ta' kapaċitajiet, l-infrastruttura tar-riċerka u s-salarji kif ukoll attivitajiet li jappoġġaw il-preparazzjoni ta' proposti u l-ġestjoni tal-proġetti fl-ambitu tal-PQ;

Evalwazzjoni

14.

Jikkonferma li l-“eċċellenza” jenħtieġ li tibqa' l-kriterju ta' evalwazzjoni fundamentali fit-tliet pilastri tal-PQ, filwaqt li josserva l-kriterji eżistenti tal-“impatt” u tal-“kwalità u tal-effiċjenza tal-implimentazzjoni”, li jafu jgħinu biex jindikaw il-valur miżjud għall-UE ta' proġett; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, teżamina l-modi kif jitqiesu l-kriterji tal-“impatt” u tal-“kwalità u tal-effiċjenza tal-implimentazzjoni”: in-nuqqas ta' involviment tar-reġjuni tal-UE sottorappreżentati, l-inklużjoni tas-setturi tax-xjenza sottorappreżentati, bħax-xjenzi soċjali u umanistiċi, u l-isfruttament tal-infrastrutturi ta' riċerka ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), li donnu li huma importanti biex tirnexxi l-implimentazzjoni taż-ŻER u biex joffru sinerġiji bejn il-PQ u l-FSIE;

15.

Jitlob evalwazzjoni u assigurazzjoni tal-kwalità aħjar u aktar trasparenti mill-evalwaturi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitjieb il-feedback li jingħata lill-parteċipanti matul il-proċess ta' evalwazzjoni u jħeġġeġ li jitqiesu l-ilmenti magħmula minn applikanti li ma rnexxilhomx jintgħażlu fejn jgħidu li r-Rapporti Sommarji tal-Evalwazzjoni (ESRs) huma neqsin mill-profondità u miċ-ċarezza dwar x'jenħtieġ li jsir differenti biex wieħed jirnexxielu; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tippubblika, flimkien mas-sejħa għal proposti, il-kriterji ta' evalwazzjoni dettaljati, biex il-parteċipanti jingħataw ESRs aktar dettaljati u informattivi u biex torganizza s-sejħiet għal proposti b'tali mod li jkun evitat numru ferm eċċessiv ta' applikazzjonijiet, fatt li jolqot negattivament il-motivazzjoni tar-riċerkaturi u r-reputazzjoni tal-programm;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti definizzjoni usa' ta' “impatt” fid-dawl tal-effetti kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali; jisħaq fuq il-fatt li l-valutazzjoni tal-impatt ta' proġetti ta' riċerka fundamentali jenħtieġ li tibqa' flessibbli; jitlob lill-Kummissjoni żżomm il-bilanċ bejn sejħiet minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel u tanalizza liema proċedura ta' evalwazzjoni (stadju wieħed jew tnejn) hija l-aktar utli sabiex jiġi evitat numru eċċessiv ta' applikazzjonijiet u ssir riċerka ta' kwalità;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kemm jagħmel sens li jkun hemm enfasi tematika aktar b'saħħitha fil-kuntest tas-sostenibbiltà;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel disponibbli b'mod aktar faċli l-portal tal-parteċipanti u testendi u tgħammar b'aktar riżorsi n-netwerk tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali sabiex tiżgura, b'mod partikolari għal impriżi mikro u żgħar, servizz effiċjenti ta' assistenza waqt il-fażi ta' preżentazzjoni u evalwazzjoni tal-proposti tal-proġetti;

19.

Jikkunsidra li l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka jenħtieġ li jinvolvi ruħu f'aktar proġetti kollaborattivi fl-Ewropa kollha, u b'mod partikolari jqis reġjuni u istituzzjonijiet b'kapaċità baxxa sabiex il-politika R&I u l-għarfien tal-UE jinxterdu mal-UE kollha;

Kwistjonijiet trasversali

20.

Jinnota li l-istruttura ta' Orizzont 2020 u l-approċċ tal-sfidi soċjetali b'mod partikolari huma milqugħa b'mod wiesa' mill-partijiet ikkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb l-approċċ tal-isfidi soċjetali u jenfasizza l-importanza ta' riċerka kollaborattiva bejn l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-industrija (speċjalment l-SMEs) u partijiet ikkonċernati oħrajn; jitlob lill-Kummissjoni tqis il-valutazzjoni tal-adegwatezza u tal-baġits individwali tal-isfidi soċjetali abbażi tal-kuntest ekonomiku, soċjali u politiku attwali matul l-implimentazzjoni tal-PQ u f'kooperazzjoni stretta mal-Parlament Ewropew;

21.

Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissemplifika l-amministrazzjoni u tnaqqas iż-żmien bejn il-pubblikazzjoni ta' sejħa u l-allokazzjoni ta' għotja; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħmel ħilitha biex taqta' l-burokrazija żejda u tissemplifika l-amministrazzjoni; jilqa' pożittivament il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu introdotti pagamenti b'rata fissa sabiex jiġu ssemplifikati l-amministrazzjoni u l-awditjar;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-mudell ta' finanzjament issemplifikat introdott għal Orizzont 2020 wassalx għal aktar parteċipazzjoni tal-industrija, kif kien maħsub; jappella, f'dan ir-rigward, li tiġi vverifikata l-effikaċja tal-mudell ta' finanzjament;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta sa liema punt l-użu ta' sistemi tal-kontabbiltà nazzjonali jew speċifiċi, minflok is-sistema speċifikata fir-regoli tal-parteċipazzjoni, jista' jwassal għal proċedura ta' kontabbiltà sostanzjalment issemplifikata u għaldaqstant għal tnaqqis fir-rata ta' żbalji fil-kuntest tal-ħlas tal-proġetti li rċevew finanzjament Ewropew; jappella, f'dan ir-rigward, għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri kif ukoll għall-possibbiltà ta' “one-stop audit”;

24.

Jinnota li s-sinerġiji bejn il-fondi huma kruċjali sabiex l-investimenti jsiru aktar effikaċi; jisħaq fuq il-fatt li RIS3 huma għodda importanti sabiex jiġu katalizzati sinġeriji li jistabbilixxu oqfsa nazzjonali u reġjonali għal investimenti fir-R&Ż&I u, b'hekk, jenħtieġ li jiġu promossi u msaħħa; jesprimi dispjaċir dwar il-preżenza ta' ostakli sostanzjali sabiex is-sinerġiji jsiru operattivi għalkollox (24); ifittex, għalhekk, allinjament tar-regoli u tal-proċeduri għall-proġetti tar-R&Ż&I fl-ambitu tal-FSIE u tal-PQ u josserva li użu effikaċi tal-iskema Marka ta' Eċċellenza jkun biss possibbli jekk il-kundizzjonijiet ta' hawn fuq ikunu sodisfatti; jistieden lill-Kummissjoni tallokata parti mill-FSIE għal sinerġiji RIS3 ma' Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat u tippermetti li proġetti ta' fondi strutturali ta' R&Ż ikunu ġustifikabbli fi ħdan ir-regoli ta' proċedura tal-PQ filwaqt li fl-istess ħin tiggarantixxi t-trasparenza tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta' addizzjonalità, li fil-prattika jfisser li ma jenħtieġx li l-kontribuzzjonijiet mill-fondi Ewropej jissostitwixxu n-nefqa nazzjonali jew ekwivalenti minn Stat Membru fir-reġjuni fejn japplika dan il-prinċipju;

25.

Josserva li l-implimentazzjoni ta' suċċess taż-ŻER tirrikjedi użu sħiħ tal-potenzjal tar-R&Ż&I tal-Istati Membri kollha; jirrikonoxxi l-problema tad-distakk fil-parteċipazzjoni fil-programm Orizzont 2020, li jeħtiġilha tkun indirizzata kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali, anki permezz tal-FSIE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadattaw l-istrumenti eżistenti jew jadottaw miżuri ġodda biex inaqqsu d-distakk, pereżempju, bis-saħħa tal-iżvilupp ta' strumenti ta' networking għar-riċerkaturi; jilqa' b'sodisfazzjon il-politika tat-Tixrid tal-Eċċellenza u t-Twessigħ tal-Parteċipazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk it-tliet strumenti ta' twessigħ laħqux l-objettivi speċifiċi tagħhom: li joffru baġit adegwat u ġabra bbilanċjata ta' strumenti li jindirizzaw id-disparitajiet eżistenti fl-UE fil-qasam tar-riċerka u innovazzjoni; jisteden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħorġu b'regoli ċari li jippermettu l-implimentazzjoni sħiħa tal-iskema tal-Marka ta' Eċċellenza u jeżaminaw sinerġiji ta' finanzjament; jitlob lill-Kummissjoni toħloq mekkaniżmi li jippermettu l-inklużjoni tal-proġetti tal-PQ fl-infrastrutturi tar-riċerka ffinanzjati permezz tal-FSIE; jappella biex l-indikaturi użati biex jiddefinixxu lill-pajjiżi u lir-reġjuni “sottorappreżentati” jkunu rieżaminati u l-lista ta' tali pajjiżi u reġjuni tkun regolarment verifikata matul l-implimentazzjoni tal-PQ;

26.

Jinnota li skont ir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 għall-2014 u l-2015, l-UE-15 irċevew 88,6 % tal-fondi filwaqt li l-UE-13 irċevew biss 4,5 % – ċifra saħansitra inqas min dik tal-finanzjament għall-pajjiżi ta' assoċjazzjoni (6,4 %);

27.

Jilqa' l-isforzi biex jiġu assigurati rabtiet aħjar bejn iż-ŻER u ż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja, bil-għan li jiffaċilitaw modi ta' kif titħarreġ il-ġenerazzjoni ta' riċerkaturi li jmiss; jirrikonoxxi l-importanza li jiġu inkorporati ħiliet ta' STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika), tar-riċerka u tal-imprenditorija fis-sistemi edukattivi tal-Istati Membri sa minn fażi bikrija sabiex iż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jiżviluppaw dawn il-ħiliet, billi r-R&Ż jenħtieġ li jitqiesu f'termini strutturali aktar milli ċikliċi jew temporali; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jtejbu l-istabilità u l-attrattività tal-impjiegi għar-riċerkaturi żgħażagħ;

28.

Jenfasizza l-importanza ta' aktar kooperazzjoni bejn l-industriji u s-sistemi universitarji u xjentifiċi sabiex jiġi promoss il-ħolqien ta' strutturi ddedikati fi ħdan l-universitajiet u ċ-ċentri xjentifiċi biex tiżdied ir-rabta mas-settur tal-produzzjoni;

29.

Jisħaq fuq il-fatt li l-kooperazzjoni globali hija mezz importanti biex tissaħħaħ ir-riċerka Ewropea; jikkonferma li l-parteċipazzjoni internazzjonali niżlet minn 5 % fis-7PQ għal 2,8 % f'Orizzont 2020; ifakkar li l-PQ jenħtieġ li jikkontribwixxi sabiex jiżgura li l-Ewropa tibqa' protagonista globali ewlenija, waqt li jenfasizza l-importanza tad-diplomazija xjentifika; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina t-termini tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-PQ u tistabbilixxi miżuri konkreti u immedjati kif ukoll viżjoni strateġika fit-tul u struttura biex issostni dan l-objettiv; jilqa' favorevolment, f'dan ir-rigward, l-inizjattivi bħal BONUS u PRIMA;

30.

Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fi ħdan id-9PQ u t-tixrid tad-diplomazija xjentifika;

31.

Ifakkar li l-integrazzjoni tax-xjenzi soċjali u umanistiċi tfisser riċerka dwar ix-xjenzi soċjali u umanistiċi fi proġetti interdixxiplinari u mhux żieda ex post għal proġetti li altrimenti huma teknoloġiċi, u li l-problemi l-aktar pressanti li qiegħda tiffaċċja l-UE jeħtieġu riċerka metodoloġika li hija aktar iffukata kunċettwalment fuq ix-xjenzi soċjali u umanistiċi; josserva li x-xjenzi soċjali u umanistiċi huma sottorappreżentati fil-PQ attwali; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-possibbiltajiet għar-riċerkaturi fil-qasam tax-xjenzi soċjali u umanistiċi biex jipparteċipaw fil-proġetti interdixxiplinari tal-PQ u toffri biżżejjed fondi għas-suġġetti tax-xjenzi soċjali u umanistiċi;

32.

Jenfasizza l-bilanċ tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-programm Orizzont 2020 u jitlob li jittieħed approċċ simili għall-PQ li jmiss; jilqa' pożittivament il-ħolqien ta' EIC (25), iżda jinsisti li jenħtieġ li dan ma jwassalx għas-separazzjoni tar-riċerka mill-innovazzjoni jew għal aktar frammentazzjoni tal-finanzjament, bħal fl-imgħoddi; jenfasizza li Orizzont 2020 mhuwiex biżżejjed iffukat biex iwarrab il-fażi msejħa l-“wied tal-mewt” li jikkostitwixxi l-ostaklu ewlieni għall-konverżjoni ta' prototipi fi produzzjoni;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika l-objettivi, l-istrumenti u l-funzjonament tal-EIC u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evalwati r-riżultati pilota tal-EIC; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi taħlita bbilanċjata ta' strumenti għall-portafoll tal-EIC; jenfasizza li l-EIC fl-ebda ċirkostanza m'għandu jieħu post il-Pilastru 2 u jenħtieġ li dan tal-aħħar ma jiżviluppax fi strument għall-finanzjament uniku iżda pjuttost jenħtieġ li r-riċerka kollaborattiva tibqa' l-qofol; jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu u jissaħħu l-programmi “SME Instrument” (Strument għall-SMEs) u “Fast Track to Innovation” (Korsija Veloċi għall-Innovazzjoni); jistieden lill-Kummissjoni tfassal mekkaniżmi biex itejjeb l-inklużjoni tal-SMEs fi proġetti interdixxiplinari akbar fl-ambitu tad-9PQ bil-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) fl-istruttura attwali tal-EIT, filwaqt li jisħaq fuq l-importanza tat-trasparenza u tal-involviment intensiv tal-partijiet ikkonċernati, u tanalizza kif l-EIT u l-KKI jistgħu jinteraġixxu mal-EIC; jitlob lill-Kummissjoni tfassal qafas għal investimenti kapitali ta' riskju privati f'kooperazzjoni mal-EIC biex jiġu inkoraġġiti l-investimenti kapitali ta' riskju fl-Ewropa;

34.

Jilqa' inizjattivi li jgħaqqdu flimkien is-setturi privati u pubbliċi sabiex jistimulaw ir-riċerka u l-innovazzjoni; jisħaq fuq il-bżonn ta' tmexxija msaħħa tal-UE fil-prijoritizzazzjoni tal-bżonnijiet tar-riċerka pubblika u għal biżżejjed trasparenza, traċċabbiltà u livell ekwu ta' redditu pubbliku mill-investimenti ta' Orizzont 2020 f'termini ta' aċċessibbiltà ekonomika, disponibbiltà u idoneità tal-prodotti finali, u b'mod partikolari b'ċerti setturi sensittivi bħas-saħħa, filwaqt li jiġu ssalvagwardjat l-interess pubbliku u u garantit impatt soċjali ekwu; jistieden lill-Kummissjoni teżamina aktar il-mekkaniżmi, speċjalment fid-dawl tal-isfruttament fit-tul tal-proġetti kollha ffinanzjati mill-għotjiet fornuti mill-PQ, billi tgħaqqad redditu pubbliku ekwu u inċentivi għall-parteċipazzjoni tal-industrija;

35.

Jilqa' pożittivament il-fatt li l-kunċett ta' Aċċess Miftuħ issa huwa prinċipju ġenerali fl-ambitu ta' Orizzont 2020; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-numru sostanzjali ta' pubblikazzjonijiet marbuta ma' proġetti ta' Orizzont 2020 sa Diċembru 2016 (26) juri li l-politiki l-ġodda dwar l-infurzar tal-kondiviżjoni ta' data u għarfien huma rikjesti sabiex ikunu massimizzati r-riżultati tar-riċerka u l-ammont ta' data xjentifika disponibbli; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-kriterji ta' flessibbiltà li jafu jikkostitwixxu ostaklu għal dan l-objettiv, u żżid l-għarfien u l-iżvilupp;

36.

Jilqa' l-finanzjament pilota Open Research Data (Data dwar ir-Riċerka Miftuħa) bħala l-ewwel pass lejn Open Science Cloud (Cloud tax-Xjenza Miftuħa); jirrikonoxxi r-rilevanza u l-potenzjal tal-infrastrutturi elettroniċi u tas-superkomputazzjoni, il-bżonn ta' involviment tal-partijiet ikkonċernati u tas-soċjetà ċivili tas-settur pubbliku u privat u l-importanza tax-xjenza għaċ-ċittadini sabiex jiġi żgurat li s-soċjetà jkollha sehem aktar attiv fid-definizzjoni u fl-indirizzar tal-problemi u tal-preżentazzjoni konġunta tas-soluzzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-komunità ta' riċerka pubblika u privata biex jeżaminaw mudelli ġodda li jintegraw riżorsi tal-cloud u tan-networking privati u infrastrutturi elettroniċi pubbliċi u t-tnedija ta' aġendi għaċ-ċittadini fix-xjenza u l-innovazzjoni;

37.

Jilqa' pożittivament il-kunċett introdott għall-ewwel darba mill-Kummissjoni taċ-ċentri ta' innovazzjoni, li se jkomplu jsaħħu l-qafas tal-innovazzjoni Ewropew billi jipprovdu assistenza lill-impriżi, b'mod partikolari SMEs, sabiex dawn itejbu l-mudelli tan-negozju u l-proċessi tal-produzzjoni tagħhom;

38.

Jinkoraġġixxi lill-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali jkunu aktar involuti fil-promozzjoni ta' proġetti mogħtija l-Marka ta' Eċċellenza, u fl-assistenza fit-tfittxija għal sorsi oħrajn ta' finanzjament pubbliku jew privat, nazzjonali jew internazzjonali, għal dawk il-proġetti billi jsaħħu l-kooperazzjoni f'dan il-qasam fi ħdan in-netwerk tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali;

Rakkomandazzjonijiet tad-9PQ

39.

Jemmen li l-UE għandha l-potenzjal li ssir ċentru globali ta' eċċellenza għar-riċerka u x-xjenza fuq skala dinjija; jemmen, barra minn hekk, li sabiex jiġu promossi t-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni, id-9PQ għandu jsir prijorità assoluta għall-Ewropa;

40.

Japprezza s-suċċess ta' Orizzont 2020 u l-fattur ta' lieva ta' 1:11; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi żieda fil-baġit ġenerali li tammonta għal EUR 120 biljun għad-9PQ; iqis li lil hinn miż-żieda fil-baġit, hemm bżonn qafas li jinkorpora l-innovazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tiċċara l-kunċett ta' innovazzjoni u t-tipoloġiji differenti tagħha;

41.

Jinnota li l-UE qed tiffaċċja għadd kbir ta' sfidi sinifikanti u dinamiċi u jistieden lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Parlament Ewropew, fil-Pilastru 3 tipprovdi ġabra bbilanċjata u flessibbli ta' strumenti li twieġeb għan-natura dinamika tal-problemi emerġenti; jissottolinja l-ħtieġa li jingħata biżżejjed baġit għall-isfidi speċifiċi fil-Pilastru 3 kif ukoll il-ħtieġa ta' reviżjoni regolari tal-adegwatezza ta' dawk l-isfidi;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni żżomm bilanċ adegwat bejn ir-riċerka fundamentali u l-innovazzjoni fi ħdan id-9PQ; josserva l-bżonn li tissaħħaħ ir-riċerka kollaborattiva; jissottolinja l-importanza ta' involviment aħjar tal-SMEs fil-proġetti kollaborattivi u fl-innovazzjoni;

43.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sinerġiji bejn id-9PQ u l-fondi Ewropej iddedikati għar-riċerka u l-innovazzjoni u tistabbilixxi strumenti armonizzati u regoli allinjati għal tali fondi, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, u f'kooperazzjoni stretta mal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tqis r-rwol importanti tal-istandardizzazzjoni f'dak li jirrigwarda l-innovazzjoni anke fil-programmi qafas futuri;

44.

Jinnota li d-9PQ jenħtieġ li jindirizza l-problema possibbli tan-numru eċċessiv ta' applikazzjonijiet u r-rati baxxi ta' suċċess iffaċċjati fl-Orizzont 2020; jissuġġerixxi li titqies l-introduzzjoni mill-ġdid tal-proċedura ta' evalwazzjoni f'żewġ stadji li fiha l-ewwel stadju jkun unifikat waqt li t-tieni stadju jkun speċifikat u ddedikati għall-applikanti magħżula; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura ESRs komprensivi biżżejjed b'indikazzjonijiet dwar kif tista' tittejjeb il-proposta;

45.

Jisħaq fuq il-fatt li l-“valur miżjud Ewropew” irid jibqa' qofol inkontestat tal-P Q għar-riċerka;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni tifred ir-riċerka dwar id-difiża mir-riċerka ċivili fil-QFP li jmiss, u toffri żewġ programmi differenti b'żewġ baġits separati li ma jaffettwawx l-ambizzjonijiet baġitarji tar-riċerka ċivili tad-9PQ; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tippreżenta lill-Parlament il-modi possibbli ta' finanzjament tal-programm ta' riċerka futura fil-qasam tad-difiża skont it-Trattati, b'baġit iddedikat b'riżorsi ġodda u regoli speċifiċi; jenfasizza l-importanza tas-sorveljanza parlamentari f'dan ir-rigward;

47.

Iqis li l-programm tat-Teknoloġiji Futuri u Emerġenti għandu potenzjal kbir għall-futur u jirrappreżenta għodda tajba għat-tixrid ta' ideat innovattivi u kompetenzi fil-livelli nazzjonali u reġjonali;

48.

Jenfasizza l-ħtieġa, fil-kuntest tal-Ftehim ta' Pariġi u tal-objettivi tal-UE dwar il-klima, li jingħata prijorità lill-finanzjament għar-riċerka dwar it-tibdil fil-klima u l-infrastruttura tal-ġbir ta' data dwar il-klima – b'mod partikolari billi l-Istati Uniti qegħdin jikkunsidraw tnaqqis baġitarju sinifikanti għall-istituzzjonijiet ta' riċerka ambjentali tal-Istati Uniti;

49.

Jenfasizza li d-9PQ għar-R&I jenħtieġ li jsaħħaħ il-progress soċjetali u l-kompetittività tal-UE, il-ħolqien tat-tkabbir u tal-impjiegi u l-ksib ta' għarfien u innovazzjonijiet ġodda sabiex jiġu indirizzati l-isfidi kruċjali li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa, kif ukoll il-progress ulterjuri lejn l-iżvilupp ta' ŻER sostenibbli; jilqa' f'dan ir-rigward l-istruttura tal-pilastru attwali tal-PQ u jistieden lill-Kummissjoni żżomm din l-istruttura fl-interessi tal-kontinwità u tal-prevedibbiltà; jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem fuq il-koerenza, is-semplifikazzjoni, it-trasparenza u ċ-ċarezza tal-programm, fuq it-titjib tal-proċess ta' evalwazzjoni, it-tnaqqis tal-frammentazzjoni, id-duplikazzjoni, u l-evitar ta' piżijiet amministrattivi bla bżonn;

50.

Jirrikonoxxi li, sa ċertu punt, il-kompiti amministrattivi u r-riċerka jikkanċellaw lil xulxin; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li l-obbligi ta' rapportar jinżammu f'livell minimu, sabiex jiġi evitat li l-burokrazija żejda tostakola l-innovazzjoni u jiġi żgurat l-użu effikaċi tal-finanzjament fl-ambitu tad-9PQ filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata l-awtonomija tar-riċerka; jinkoraġġixxi, għal dan il-għan, lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha fir-rigward tas-semplifikazzjoni;

51.

Jinnota li l-Kummissjoni qiegħda ssemmi dejjem aktar l-appoġġ ibbażat fuq l-output; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi l-“output” b'aktar preċiżjoni;

52.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu s-sinerġiji bejn il-PQ u l-fondi l-oħra u jindirizzaw il-problema tan-nuqqasijiet fir-riċerka li qegħdin jiffaċċjaw reġjuni ta' konverġenza f'xi Stati Membri, b'applikazzjoni tal-prinċipju ta' addizzjonalità; jesprimi dispjaċir li allokazzjonijiet finanzjarji mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-infiq fir-R&Ż nazzjonali f'reġjuni fejn dawn il-fondi japplikaw, u jinsisti li dawn iridu jiżdiedu man-nefqa pubblika nazzjonali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-finanzjament pubbliku tar-R&I jitqies bħala investiment fil-futur aktar milli spiża;

53.

Jinnota li l-investimenti reali fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-ambitu tal-Fondi Strutturali huma possibbli biss permezz ta' regolamentazzjoni adegwata tal-kuntest fl-Istati Membri; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm konnessjoni aktar b'saħħitha bejn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għal riformi strutturali u l-innovazzjonijiet fir-R&I;

54.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' ċentri u reġjuni ġodda ta' eċċellenza ogħla u l-importanza li tkompli tiġi żviluppata ż-ŻER; jisħaq fuq il-bżonn li jkunu fornuti aktar sinerġiji bejn il-PQ, il-FEIS u l-FSIE biex dan l-għan jintlaħaq; jitlob l-implimentazzjoni ta' politiki biex jitneħħew ostakli bħal salarji aktar baxxi li jiffaċċjaw pajjiżi tal-Lvant u tan-Nofsinhar sabiex jiġi evitat l-eżodu ta' mħuħ; jappella biex l-eċċellenza tal-proġett tingħata prijorità fuq l-eċċellenza tal-istituzzjonijiet “elite” ewlenin;

55.

Huwa tal-fehma li hemm bżonn li jiġu inklużi inċentivi għall-użu tal-Fondi SIE għall-investimenti fir-R&I fejn hemm rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għal dak l-għan jew fejn jiġu identifikati d-dgħufijiet; jikkonkludi li l-Fondi SIE għal investimenti fir-R&I se jiġġeneraw EUR 65 biljun fil-perjodu 2014-2020; jipproponi, għalhekk, li r-riżerva ta' prestazzjoni għall-Fondi SIE stabbilita fl-Istati Membri tiġi użata biex jiġi investit proporzjon sostanzjali tad-dħul mill-Fondi Strutturali fir-R&I;

56.

Jilqa' pożittivament il-prinċipju u l-potenzjal tal-Marka ta' Eċċellenza, bħala tikketta ta' kwalità għal sinerġiji bejn il-Fondi SIE u Orizzont 2020, iżda jinnota li dan ma jiġix applikat biżżejjed fil-prattika, minħabba n-nuqqas ta' finanzjament fl-Istati Membri; jemmen li l-proġetti – li ġew ppreżentati għall-finanzjament fl-ambitu ta' Orizzont 2020, għaddew kriterji stretti ta' selezzjoni u aġġudikazzjoni b'eżitu pożittiv, iżda li ma setgħux jiġu ffinanzjati minħabba restrizzjonijiet tal-baġit – għandhom jiġu ffinanzjati mir-riżorsi tal-Fondi SIE, jekk dawn ir-riżorsi jkunu disponibbli għal dak l-għan; jirrimarka li mekkaniżmu simili għandu jiġi definit ukoll għall-proġetti ta' riċerka kollaborattiva;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi livelli ta' appoġġ akbar fl-ambitu tad-9PQ għar-riċerkaturi żgħażagħ, bħal għodod ta' networking pan-Ewropej, u ssaħħaħ l-iskemi ta' finanzjament għal riċerkaturi fi stadju bikri b'inqas minn sentejn esperjenza wara t-tlestija ta' PhD;

58.

Josserva li l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie huma rikonoxxuti minn bosta bħala sors ta' finanzjament fost ir-riċerkaturi u jippromwovu l-mobilità tar-riċerkaturi u l-iżvilupp tar-riċerkaturi żgħażagħ; huwa tal-fehma li, fl-interessi tal-kontinwità, ikun tajjeb li l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie jkomplu jiġu ffinanzjati fid-9PQ;

59.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jinkoraġġixxu l-investimenti privati fir-R&Ż&I, li jridu jiżdiedu ma' dawk pubbliċi u mhux jissostitwixxuhom; ifakkar li ż-żewġ terzi tat-3 % tal-PDG għar-R&Ż jentħieġ li jiġu mis-settur privat (27); japprezza l-isforzi li saru s'issa mill-industrija u, fid-dawl tar-riżorsi ġeneralment skarsi għall-infiq pubbliku fir-R&Ż, jistieden lis-settur privat jinvolvi ruħu aktar fl-infiq għar-R&Ż, kif ukoll fl-Aċċess Miftuħ u fix-Xjenza Miftuħa; jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina l-grad ta' parteċipazzjoni tal-industrija l-kbira (permezz ta' self, għotjiet jew a spejjeż tagħhom), skont il-kobor tal-valur miżjud Ewropew tal-proġett u tal-potenzjal tiegħu li jkun forza motriċi għall-SMEs, u fl-istess ħin jitqiesu l-ispeċifiċitajiet u l-bżonnijiet ta' kull settur; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja l-kontribuzzjonijiet in natura biex ikun żgurat li l-investimenti huma reali u ġodda;

60.

Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb it-trasparenza u ċ-ċarezza tar-regoli għall-kooperazzjoni pubblika-privata fi ħdan proġetti tad-9PQ b'segwitu għar-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-evalwazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tivverifika u tivvaluta l-istrumenti eżistenti għal sħubijiet pubbliċi-privati;

61.

Jenfasizza li l-parteċipazzjoni tal-industrija għandha tibqa' tiġi promossa, irrispettivament mill-istrument tal-SMEs, peress li f'ħafna oqsma l-industrija ġġib magħha l-kompetenzi neċessarji u tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja importanti;

62.

Jesprimi dispjaċir dwar il-ġabra mħallta ta' riżultati miksuba mill-enfasi fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi f'Orizzont 2020, peress li l-uniku objettiv li ntlaħaq huwa dak tal-perċentwal ta' nisa fil-gruppi ta' konsulenza, waqt li l-perċentwal ta' nisa fil-gruppi ta' evalwazzjoni tal-proġetti u fost il-koordinaturi ta' proġetti, u d-dimensjoni tas-sessi fil-kontenut tar-riċerka u l-innovazzjoni għadhom taħt il-livelli fil-mira; jissottolinja l-bżonn li jitjiebu l-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni tad-dimensjoni tas-sessi fid-9PQ u jintlaħqu l-livelli fil-mira fir-regolament Orizzont 2020, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel studju biex teżamina l-ostakli jew id-diffikultajiet li jistgħu jikkundizzjonaw s-sottorappreżentanza tan-nisa fil-programm; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, abbażi tal-objettivi taż-ŻER, joħolqu ambjent ġuridiku u politiku bbilanċjat fil-lat tal-ġeneru u joffru inċentivi għall-bidla; jilqa' pożittivament il-Linji Gwida tal-Kummissjoni fil-qasam tal-Ugwaljanza tal-Ġeneru fl-ambitu ta' Orizzont 2020 (28); ifakkar li, skont dawn il-Linji Gwida, il-bilanċ tal-ġeneru huwa wieħed mill-fatturi ta' ordni ta' prijorità tal-proposti bl-istess punteġġ 'il fuq mil-livell minimu;

63.

Jinnota li l-PQ li jmiss ser ikollu jqis il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u l-implikazzjonijiet ta' dan; jinnota li r-R&I jibbenefikaw minn oqfsa ċari u stabbli fit-tul, u li r-Renju Unit għandu pożizzjoni fuq quddiem fil-qasam tax-xjenza; jesprimi x-xewqa li n-netwerks u l-kollaborazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-UE jkunu jistgħu jkomplu fil-qasam tar-riċerka, u li, f'ċerti kundizzjonijiet, tkun tista' tinstab malajr soluzzjoni stabbli u sodisfaċenti, biex ikun żgurat li l-UE ma titlifx ir-riżultati xjentifiċi miksuba fil-qafas ta' Orizzont 2020 u tad-9PQ;

o

o o

64.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 948.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81.

(4)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965.

(5)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 174.

(6)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 892.

(7)  ĠU L 169, 7.6.2014, pp. 54-178.

(8)  ĠU L 177, 17.6.2014, p. 9.

(9)  ĠU L 192, 1.7.2014, p. 1.

(10)  ĠU L 169, 7.6.2014, pp. 1-53.

(11)  http://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/hlg_issue_papers.pdf.

(12)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 24.

(13)  Testi adottati, P8_TA(2017)0052.

(14)  Testi adottati, P8_TA(2017)0075.

(15)  Testi adottati, P8_TA(2016)0311.

(16)  Testi adottati, P8_TA(2016)0320.

(17)  Studju tal-EPRS ta' Frar 2017 “Horizon 2020, the EU framework programme for research and innovation”. European Implementation Assessment" (Orizzont 2020, il-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea).

(18)  B'aktar minn 130 000 proposta li ġew riċevuti, 9 000 għotja li ġew iffirmati, 50 000 parteċipazzjoni u EUR 15,9 biljun ta' finanzjament mill-UE.

(19)  Żewġ terzi tat-3 % tal-PDG għar-R&Ż jenħtieġ li jiġu mill-industrija. Ara n-nefqa għar-R&Ż privati tal-Eurostat: http://ec.europa.eu/eurostat/tgm/table.do?tab=table&init=1&language=en&pcode=tsc00031&plugin=1

(20)  http://ec.europa.eu/invest-in-research/pdf/download_en/barcelona_european_council.pdf

(21)  Bħala total, is-seba' ITK jirrappreżentaw aktar minn EUR 7 biljun tal-fondi Orizzont 2020, madwar 10 % tal-baġit totali ta' Orizzont 2020 u aktar minn 13 % tal-finanzjament reali disponibbli għal sejħiet fl-ambitu ta' Orizzont 2020 (madwar EUR 8 biljun fis-sena fuq seba' snin).

(22)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2015.

(23)  Studju tal-EPRS ta' Frar 2017 “Horizon 2020 EU framework programme for research and innovation – European Implementation Assessment”.

(24)  Infrastruttura tar-riċerka kbira tinkwadra sew taħt il-kamp ta' applikazzjoni u l-objettivi tal-FEŻR, iżda fondi tal-FEŻR allokati f'livell nazzjonali ma jistgħux jintużaw biex jikkofinanzjawha; spejjeż ta' kostruzzjoni assoċjati ma' infrastrutturi ta' riċerka ġodda huma eleġibbli skont il-FEŻR, iżda spejjeż operattivi u tal-persunal mhumiex.

(25)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu” (COM(2016)0733);

(26)  Rapport OpenAIRE: F'Orizzont 2020, 2 017 minn numru totali ta' 10 684 proġett (19 %) tlestew filwaqt li 8 667 għadhom għaddejjin. OpenAIRE identifika 6 133 pubblikazzjoni marbuta ma' 1 375 proġett ta' Orizzont 2020.

(27)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2015.

(28)  Ara l-Linji Gwida tal-Kummissjoni fil-qasam tal-Ugwaljanza tal-Ġeneru fl-ambitu ta' Orizzont 2020. http://eige.europa.eu/sites/default/files/h2020-hi-guide-gender_en.pdf


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/41


P8_TA(2017)0254

Elementi fundamentali għal politika ta' koeżjoni tal-UE wara l-2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-elementi fundamentali għal politika ta' koeżjoni tal-UE wara l-2020 (2016/2326(INI))

(2018/C 331/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162, 174 sa 178 u 349 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1) (“ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni”),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 (6),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (7),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (8),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu “Rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 – Baġit tal-UE iffukat fuq ir-riżultati” (COM(2016)0603),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu “Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej” (COM(2015)0639),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-investiment f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea – l-aħjar prattiki u miżuri innovattivi (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2010 dwar Strateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju (12), ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u r-rwol tal-makroreġjuni fil-futur tal-politika ta' koeżjoni (13), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar Strateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (14), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar Strateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej u programmi tal-UE oħra (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2016 dwar “Għodod ġodda għall-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD)” (17),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015, “Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020” (18),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar “Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni” (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE (20),

wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Istrateġija UE 2020 (21) u dik tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-ottimizzazzjoni tal-potenzjal tar-Reġjuni Ultraperiferiċi permezz tal-ħolqien ta' sinerġiji bejn il-fondi strutturali tal-UE u programmi oħra tal-UE (22),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar il-politika ta' koeżjoni u r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020 (23),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli għall-monitoraġġ tas-simplifikazzjoni għall-benefiċjarji tal-Fondi SIE,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rapport speċjali nru 31 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri “Infiq ta' mill-inqas euro wieħed minn kull ħamsa mill-baġit tal-UE fuq l-azzjoni klimatika: qed isir xogħol ambizzjuż, iżda hemm riskju serju li ma jkunx suffiċjenti”, adottat fil-21 ta' Marzu 2017,

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Diċembru 2015 (24) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE,

wara li kkunsidra rapport speċjali Nru 19/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: L-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta' strumenti finanzjarji – tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2016 bit-titolu “European Structural and Investment Funds and European Fund for Strategic Investments complementarities – ensuring coordination, synergies and complementarity” (Il-komplementarjetajiet bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi – l-iżgurar tal-koordinament, is-sinerġiji u l-komplementarjetà),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0202/2017),

A.

billi l-politika ta' koeżjoni tal-UE toriġina mit-TUE u t-TFUE u tikkostitwixxi espressjoni tas-solidarjetà tal-UE bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, billi ssegwi l-objettiv imsejjes fuq it-Trattat tagħha li tnaqqas id-differenzi reġjonali u tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fost ir-reġjuni kollha fl-UE;

B.

billi l-funzjonament tal-UE bħala “għodda ta' konverġenza” waqaf wara l-2008, u dan ikkawża żieda fid-diverġenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri u fihom stess, u barra minn hekk żied l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi fl-UE kollha; ifakkar li l-politika ta' koeżjoni fil-livell Ewropew hija effikaċi ħafna, b'mod partikolari fil-promozzjoni ta' diversi forom ta' kooperazzjoni territorjali, u għaldaqstant tibqa' – fid-dimensjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha – politika urġentement neċessarja li tikkombina l-ħtiġijiet speċifiċi ta' territorju mal-prijoritajiet tal-UE u twassal riżultati tanġibbli fuq il-post għaċ-ċittadini kollha;

C.

billi l-politika ta' koeżjoni kienet u għadha l-politika ta' investiment ewlenija, b'suċċess kbir u apprezzata ħafna fil-livell tal-UE għall-ġenerazzjoni tal-impjiegi sostenibbli u l-ħolqien ta' tkabbir u kompetittività intelliġenti, sostenibbli u inklużivi wara l-2020, b'mod speċjali fil-kuntest ta' tnaqqis qawwi fl-investimenti pubbliċi u privati f'bosta Stati Membri u l-implikazzjonijiet tal-globalizzazzjoni; ifakkar li l-politika ta' koeżjoni s'issa kellha rwol essenzjali u wriet kapaċità ta' rispons sinifikanti għar-restrizzjonijiet makroekonomiċi;

D.

billi l-aħħar riforma tal-politika ta' koeżjoni fl-2013 kienet estensiva u sostanzjali, peress li ffokat fuq il-politika favur approċċ orjentat lejn ir-riżultati, il-konċentrazzjoni tematika, l-effikaċja u l-effiċjenza fuq naħa u l-prinċipji, inklużi s-sħubija, il-governanza f'diversi livelli, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-approċċi bbażati fuq il-post fuq in-naħa l-oħra;

E.

billi l-politika ta' koeżjoni mġedda rriżultat f'bidla fl-enfasi minn politika bbażata fuq proġetti kbar marbuta mal-infrastruttura għal politika intiża biex tistimola l-ekonomija tal-għarfien u l-innovazzjoni

F.

billi dawn il-prinċipji għandhom jinżammu u jiġu kkonsolidati wara l-2020 sabiex jiġu żgurati l-kontinwità, il-viżibilità, iċ-ċertezza tad-dritt, l-aċċessibilità u t-trasparenza tal-implimentazzjoni tal-politika;

G.

billi sabiex il-politika ta' koeżjoni tkun ta' suċċess wara l-2020, huwa essenzjali li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji u l-awtoritajiet maniġerjali, li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati tal-politika u l-livelli ta' verifiki u kontrolli biex tiżdied il-proporzjonalità, jiġi introdott d-divrenzjar fl-implimentazzjoni tal-programmi u jiġu ssimplifikati r-regoli u l-proċeduri, peress li attwalment hija meqjusa bħala kumplessa żżejjed;

H.

billi dawn l-elementi – flimkien mal-approċċ ta' politika integrata u l-prinċipju ta' sħubija – juru l-valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni;

I.

billi l-limitazzjonijiet dejjem jiżdiedu kemm fuq il-baġit tal-UE kif ukoll fuq dak nazzjonali u l-konsegwenzi ta' Brexit m'għandhomx iwasslu għall-indeboliment tal-politika ta' koeżjoni tal-UE; jitlob, f'dan il-kuntest, biex in-negozjaturi UE/Renju Unit jirriflettu fuq il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li r-Renju Unit ikompli jipparteċipa fil-programmi ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea;

J.

billi l-politika ta' koeżjoni diġà tindirizza firxa wiesgħa ħafna ta' sfidi marbuta mal-objettivi tagħha kif stabbilit fit-Trattati u wieħed ma jistax jistenna li din tindirizza l-isfidi ġodda kollha li l-UE se tħabbat wiċċha magħhom wara l-2020 bl-istess baġit jew b'baġit iċken, għad li l-impatt jaf ikun akbar jekk l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet ikollhom aktar flessibilità biex jirreaġixxu għal sfidi politiċi ġodda;

Il-valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni tal-UE

1.

Jopponi bil-qawwa kwalunkwe xenarju għall-UE27 sal-2025, kif stabbilit fil-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, li kieku jnaqqas l-isforzi tal-UE b'rabta mal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni, għall-kuntrarju, tippreżenta proposta leġiżlattiva komprensiva għal politika ta' koeżjoni b'saħħitha u effikaċi għal wara l-2020;

2.

Jissottolinja li t-tkabbir u l-konverġenza reġjonali, ekonomika u soċjali ma jistgħux jinkisbu mingħajr governanza tajba, kooperazzjoni, fiduċja reċiproka bejn il-partijiet ikkonċernati kollha u l-involviment effikaċi tas-sħab fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, kif huwa minqux fil-prinċipju ta' sħubija (l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni); itenni li l-arranġament għall-ġestjoni kondiviża tal-politika ta' koeżjoni tal-UE jipprovdi lill-UE b'għodda unika biex tindirizza b'mod dirett l-interessi taċ-ċittadini fir-rigward tal-isfidi interni u esterni; huwa tal-opinjoni li l-ġestjoni konġunta, li hija msejsa fuq il-prinċipju tas-sħubija, il-governanza f'diversi livelli u l-koordinament ta' livelli amminstrattivi differenti, hija ta' importanza sinifikanti biex jiġi żgurat li jkun hemm sjieda u responsabilità għall-implimentazzjoni tal-politika fost il-partijiet ikkonċernati kollha;

3.

Jenfasizza l-effetti katalistiċi tal-politika ta' koeżjoni u t-tagħlimiet għall-amministrazzjonijiet, il-benefiċjarji u l-partijiet ikkonċernati; jenfasizza l-approċċ orizzontali u trażversali tal-politika ta' koeżjoni bħala politika intelliġenti, sostenibbli u inklużiva li tipprovdi qafas għall-mobilizzazzjoni u l-koordinament ta' atturi nazzjonali u sottonazzjonali, u għall-involviment dirett tagħhom biex jaħdmu flimkien ħalli jilħqu l-prijoritajiet tal-UE permezz ta' proġetti kkofinanzjati; jitlob, f'dan il-kuntest, biex ikun hemm koordinament u kooperazzjoni ottimali bejn id-DĠ tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika ta' koeżjoni u DĠ oħra, kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

4.

Jiddispjaċih għall-adozzjoni tardiva ta' bosta programmi operattivi u d-deżinjazzjoni tardiva tal-awtorità maniġerjali f'xi Stati Membri tul il-perjodu ta' programmazzjoni attwali; jilqa' l-ewwel sinjali tal-implimentazzjoni aċċellerata tal-programmi operattivi osservati tul l-2016; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bit-Task Force għal Implimentazzjoni Aħjar bil-għan li tappoġġa l-implimentazzjoni u tidentifika l-kawżi tad-dewmien, u tipproponi mezzi prattiċi u miżuri biex tevita tali problemi fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss; iħeġġeġ bil-qawwa lill-atturi kollha involuti biex ikomplu jtejbu u jaċċelleraw aktar l-implimentazzjoni mingħajr ma jikkawżaw ostakli;

5.

Jinnota li n-nuqqasijiet tas-sistema għall-ippjanar u l-implementazzjoni finanzjarji wasslu għall-akkumulazzjoni ta' kontijiet mhux imħallsa u ta' arretrat mingħajr preċedent li ġie riportat mill-aħħar Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għal dak attwali; jappella lill-Kummissjoni sabiex toħroġ b'soluzzjoni strutturata biex issolvi tali problemi qabel jintemm il-QFP attwali u biex twaqqafhom milli jkollhom riperkussjonijiet fil-QFP li jmiss; jissottolinja li l-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament irid jikkorrispondi mal-impenji preċedenti, b'mod speċjali lejn tmiem il-perjodu, meta l-livell tat-talbiet għal pagament mill-Istati Membri għandu tendenza jiżdied b'mod sinifikanti;

6.

Jirrikonoxxi li, f'xi Stati Membri, il-prinċipju ta' sħubija wassal għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, filwaqt li għad hemm lok għal titjib sabiex jiġi żgurat l-involviment reali u bikri tal-partijiet ikkonċernati kollha, inkluża s-soċjetà ċivili, bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm aktar responsabilità u viżibilità fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni mingħajr ma jiżdiedu l-piżijiet amministrattivi jew jiġi kkawżat dewmien; jissottolinja li l-partijiet ikkonċernati jenħtieġ ikomplu jkunu involuti f'konformità mal-approċċ ta' governanza f'diversi livelli; huwa tal-opinjoni li l-prinċipju tas-sħubija u l-kodiċi ta' kondotta fil-futur jenħtieġ jissaħħu ulterjorment permezz, perezempju, tal-introduzzjoni ta' rekwiżiti minimi ċari għall-involviment fis-sħubija;

7.

Jisħaq li, minkejja li l-politika ta' koeżjoni mmitigat l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti fl-UE, kif ukoll l-impatt tal-miżuri ta' awsterità, id-differenzi reġjonali, kif ukoll id-differenzi fil-kompetittività u l-inugwaljanzi soċjali, għadhom kbar; jappella għal azzjoni msaħħa biex jitnaqqsu dawn id-differenzi u jiġi impedit l-iżivlupp ta' differenzi ġodda fit-tipi kollha ta' reġjuni, filwaqt li jinżamm u jiġi kkonsolidat is-sostenn għar-reġjuni bil-għan li tiġi ffaċilitata s-sjieda tal-politika f'kull tip ta' reġjun u sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-UE fl-UE kollha; iqis, f'dan il-kuntest, li jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni biex ir-reġjuni jsiru aktar reżiljenti għall-ħasdiet;

8.

Josserva li l-kooperazzjoni territorjali fis-suriet kollha tagħha, inklużi l-istrateġiji makroreġjonali, li l-potenzjal tagħhom għad irid jiġi sfruttat bis-sħiħ, tittrasponi l-kunċett tal-kooperazzjoni politika u l-koordinament tar-reġjuni u ċ-ċittadini min naħa ta' fruntiera għal oħra fl-UE; jissottolinja l-valur tal-politika ta' koeżjoni meta jiġu indirizzati l-isfidi inerenti għall-gżejjer, ir-reġjuni transfruntiera u r-reġjuni tat-Tramuntana l-aktar mbiegħda u b'popolazzjoni baxxa, kif previst mill-Artikolu 174 TFUE, ir-reġjuni ultraperiferiċi definiti fl-Artikoli 349 u 355 TFUE li jgawdu minn status speċjali u li l-għodod u l-finanzjament speċifiċi tagħhom għandhom jinżammu sa wara l-2020, u r-reġjuni periferiċi;

9.

Jinnota li l-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea hija waħda mill-għanijiet importanti tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 li żżid valur miżjud sostanzjali għall-objettivi tal-UE, tħeġġeġ is-solidarjetà bejn ir-reġjuni tal-UE u mal-ġirien tagħha u tiffaċilità l-iskambju ta' esperjenza u t-trasferiment ta' prattika tajba, pereżempju permezz ta' dokumenti standardizzati; jinsisti fuq il-ħtieġa li tkompli ssir ħidma favur il-kooperazzjoni transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali bħala parti mill-għan li tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali f'konformità mal-Artikolu 174 tat-TFUE; iqis li din għandha tibqa' strument importanti wara l-2020; jissottolinja, minkejja dan, li l-baġit attwali tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea ma jikkorrispondix mal-isfidi l-kbar li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-programmi Interreg u lanqas ma jappoġġa b'mod effikaċi l-kooperazzjoni transfruntiera; jitlob, għaldaqstant, li fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss ikun hemm baġit miżjud sostanzjalment għall-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea;

10.

Jissottolinja l-importanza tal-programm ta' kooperazzjoni Interreg Europe attwali għall-awtoritajiet pubbliċi Ewropej biex jiffaċilità l-iskambju ta' esperjenza u t-trasferiment ta' prattika tajba; jissuġġerixxi li l-possibilitajiet ta' finanzjament fil-programm ta' kooperazzjoni Interreg Europe li jmiss wara l-2020 jiġu estiżi bil-għan li jkun jista' jsir investiment fil-proġetti pilota fiżiċi u fil-proġetti ta' dimostrazzjoni, filwaqt li jitqies ukoll l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fl-Ewropa kollha;

L-arkitettura tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020 – il-kontinwità u l-oqsma fejn jeħtieġ isir titjib

11.

Jissottolinja li l-klassifikazzjoni attwali tar-reġjuni, ir-riformi introdotti, bħall-konċentrazzjoni tematika, u l-qafas ta' prestazzjoni taw prova tal-valur tal-politika ta' koeżjoni; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta ideat għal flessibilità akbar fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE kollu kemm hu; iqis il-ħolqien ta' riżerva bħala opzjoni interessanti f'dan il-kuntest biex jiġu indirizzati avvenimenti kbar mhux previsti tul il-perjodu ta' programmazzjoni u biex tiġi ffaċilitata r-riprogrammazzjoni tal-programmi operattivi bil-għan li l-investimenti FSIE jiġu adattati għall-ħtiġijiet mutevoli ta' kull reġjun, kif ukoll biex jiġu indirizzati l-effetti tal-globalizzazzjoni fil-livell reġjonali u lokali mingħajr ma, minkejja dan, jintlaqtu b'mod negattiv l-investimenti tal-politika ta' koeżjoni jew l-orjentazzjoni strateġika, l-objettivi fit-tul u ċ-ċertezza tal-ippjanar u l-istabilità tal-programmi pluriennali għall-awtorità lokali;

12.

Jirrikonoxxi l-valur tal-kondizzjonalitajiet ex ante, b'mod partikolari l-kondizzjonalità dwar l-Istrateġiji dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3), li jkomplu jappoġġaw il-programmazzjoni strateġika tal-Fondi SIE u wasslu għal żieda fl-orjentazzjoni lejn ir-riżultati; jinnota li l-kondizzjonalitajiet ex ante jippermettu lill-FSIE jappoġġaw b'mod effikaċi l-għanijiet tal-Ewropa wara l-2020, mingħajr preġudizzju għall-objettivi tal-politika ta' koeżjoni, kif stabbiliti fit-Trattat;

13.

Jopponi l-kundizzjonalitajiet makroekonomiċi u jenfasizza li r-rabta bejn il-politika ta' koeżjoni u l-proċessi ta' governanza ekonomika fis-Semestru Ewropew u trid tkun ibbilanċjata, reċiproka u nonpunittiva fir-rigward tal-partijiet kollha interessati; jappoġġa rikonoxximent ulterjuri tad-dimensjoni territorjali li jaf ikun tkun ta' benefiċċju għas-Semestru Ewropew, jiġifieri l-governanza ekonomika u l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll it-tkabbir sostenibbli, l-impjieg u l-protezzjoni ambjentali, għandhom jitqiesu b'approċċ ekwilibrat;

14.

Jemmen, fid-dawl tal-fatt li l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni huwa intiż biex jagħti spinta lill-investiment, it-tkabbir u l-impjieg fl-UE kollha, li l-Kummissjoni għandha tesplora, fis-7 Rapport dwar il-Koeżjoni, u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet tal-Istati Membri, kif tindirizza l-impatt ta' dawn l-investimenti fuq id-defiċit tal-baġit ta' dawn il-gvernijiet;

15.

Josserva li ż-żieda fil-kapaċitajiet amministrattivi u istituzzjonali – u għaldaqstant it-tisħiħ tal-aġenziji nazzjonali u reġjonali għas-sostenn tal-investimenti – fil-qasam tal-programmazzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi operattivi, kif ukoll il-kwalità tat-taħriġ professjonali fl-Istati Membri u r-reġjuni, hija kruċjali biex ir-riżultati tal-politika ta' koeżjoni tkun f'waqtha u ta' suċċess u bil-għan li tintlaħaq konverġenza lejn standards ogħla; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq l-importanza tal-inizjattiva Taiex Regio Peer 2 Peer li ttejjeb il-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali u tipproduċi riżultati aħjar għall-investimenti tal-UE;

16.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ssimplifikata s-sistema ta' ġestjoni tal-politika ta' koeżjoni fil-livelli ta' governanza kollha, billi jiġu ffaċilitati l-ipprogrammar, il-ġestjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi operattivi, bil-għan li din issir aktar aċċessibbli, flessibli u effikaċi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-ġlieda kontra l-gold-plating fl-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni żżid il-possibilitajiet għall-koeżjoni elettronika u t-tipi speċifiċi ta' nefqa, bħal skala standard ta' spejjeż għal kull unità u ammonti b'rata fissa taħt ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, u tintroduċi pjattaforma diġitali jew one-stop shops għall-informazzjoni għall-applikanti u l-benefiċjarji; jappoġġa l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ġew adottati s'issa mill-“Grupp ta' Livell Għoli għall-monitoraġġ tas-simplifikazzjoni għall-benefiċjarji tal-Fondi SIE”, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

17.

Jitlob lill-Kummissjoni tirrifletti dwar soluzzjonijiet ibbażati fuq il-proporzjonalità u d-divrenzjar fl-implimentazzjoni tal-programmi, ibbażati fuq ir-riskju, kriterji objettivi u inċentivi pożittivi għall-programmi, l-iskala u l-kapaċità amministrattiva tagħhom, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-bosta livelli ta' awditjar, li għandhom jiffokaw fuq il-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, b'mod partikolari l-frodi u l-korruzzjoni, u l-għadd ta' kontrolli, biex tintlaħaq aktar armonizzazzjoni bejn il-politika ta' koeżjoni, il-politika ta' kompetizzjoni u politiki oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari r-regoli tal-għajnuna mill-Istat, li japplikaw għal-Fondi SIE iżda mhux lill-FEIS jew Orizzont 2020, kif ukoll għal dak li jikkonċerna l-possibilità li jkun hemm sett wieħed ta' regoli għall-Fondi SIE kollha bil-għan li l-finanzjament isir aktar effiċjenti filwaqt illi jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull Fond;

18.

Jitlob lill-Kummissjoni, bil-għan li ssir simplifikazzjoni reali, u bi qbil mal-awtorità maniġerjali tal-programmi nazzjonali u reġjonali, biex tfassal pjan fattibbli ħalli r-reġim tal-ispejjeż issemplifikati jiġi estiż għall-FEŻR, anki f'dak li jikkonċerna l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-proposta għal regolament biex jiġu emendati r-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit – l-hekk imsejjaħ regolament Omnibus;

19.

Jemmen li l-għotjiet għandhom jibqgħu l-bażi għall-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni; jinnota, madankollu, ir-rwol dejjem akbar tal-istrumenti finanzjarji; josserva li s-self, l-ekwità jew il-garanziji jista' jkollhom rwol komplementari, iżda dawn għandhom jintużaw b'kawtela, abbażi ta' valutazzjoni ex ante xierqa, u l-għotjiet għandhom ikunu kkomplementati biss f'każijiet meta dawn l-istrumenti finanzjarji juru valur miżjud u jista' jkollhom effett ta' lieva billi jattiraw sostenn finanzjarju addizzjonali, filwaqt li jitqiesu d-differenzi reġjonali u d-diversità tal-prattiki u l-esperjenzi;

20.

Jisħaq fuq l-importanza li tingħata assistenza mill-Kummissjoni, il-BEI u l-Istati Membri lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji innovattivi permezz ta' pjattaformi bħal Fi-compass jew billi jipprovdu inċentivi għall-benefiċjarji; ifakkar li dawn l-istrumenti mhumiex adegwati għat-tipi kollha ta' interventi taħt il-politika ta' koeżjoni; huwa tal-opinjoni li r-reġjuni kollha, fuq bażi volontarja, għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji skont il-ħtiġijiet tagħhom; jopponi ruħu, madankollu, għall-objettivi kwantitattivi vinkolanti għall-użu tal-istrumenti finanzjarji, u jissottolinja l-punt li l-użu dejjem jiżdied tal-istrumenti finanzjarji m'għandux iwassal għal tnaqqis tal-baġit tal-UE b'mod ġenerali;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura sinerġiji u komunikazzjoni aħjar bejn il-Fondi SIE u fondi u programmi oħra tal-Unjoni, inkluż il-FEIS, u tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet li jagħmlu użu minn diversi fondi; jisħaq fuq il-punt li l-FEIS m'għandux jimmina l-koerenza strateġika, il-konċentrazzjoni territorjali u l-perspettiva fit-tul tal-ipprogrammar tal-politika ta' koeżjoni, u la għandu jieħu post jew jeskludi l-għotjiet u lanqas jimmira li jissostitwixxi jew inaqqas il-baġit tal-FEIS; jinsisti fuq l-addizzjonalità reali tar-riżorsi tiegħu; jitlob l-istabbiliment ta' delimitazzjonijiet ċari bejn il-FEIS u l-politika ta' koeżjoni, u li jingħataw opportunitajiet biex dawn ikunu jistgħu jiġu kkombinati u użati mingħajr ma jitħalltu, peress li, bis-saħħa ta' dan, l-istruttura tal-finanzjament issir aktar attraenti, bil-għan li jsir użu tajjeb mir-riżorsi skarsi tal-UE; jemmen li hija meħtieġa armonizzazzjoni tar-regoli għal operazzjonijiet li jagħmlu użu minn diversi fondi, kif ukoll strateġija ta' komunikazzjoni ċara dwar il-possibilitajiet ta' finanzjament eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tiżviluppa sett ta' għodod għall-benefiċjarji;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti fuq l-iżvilupp ta' sett addizzjonali ta' indikaturi li jikkomplementaw l-indikatur tal-PDG, li għadu l-metodu leġittimu u affidabbli ewlieni għall-allokazzjoni tal-Fondi SIE b'mod ġust; jemmen li l-Indiċi ta' Progress Soċjali jew indikatur demografiku għandhom jiġu evalwati u meqjusa f'dan il-kuntest, bil-għan li tiġi pprovduta stampa komprensiva tal-iżvilupp reġjonali; iqis li tali indikaturi jistgħu jagħtu rispons aħjar għat-tipi kollha ta' inugwaljanza li qed jinħolqu bejn ir-reġjuni tal-UE; jisħaq, barra minn hekk, fuq ir-rilevanza tal-indikaturi tal-eżitu biex tissaħħaħ l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati u l-prestazzjoni tal-politika;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis miżuri mmirati biex isolvu l-kwistjoni tal-finanzjament nazzjonali tal-proġetti ta' politika ta' koeżjoni fid-dawl tal-problema li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-awtoritajiet lokali u reġjonali fi Stati Membri ċċentralizzati ħafna li m'għandhomx biżżejjed kapaċitajiet fiskali u finanzjarji u li jgħaddu minn diffikultajiet kbar fi proġetti kkofinanzjati, u spiss anki fit-tħejjija tad-dokumentazzjoni marbuta mal-proġetti, minħabba nuqqas ta' riżorsi finanzjarji disponibbli, u dan jostakola l-użu sħiħ tal-politika ta' koeżjoni;

24.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis il-possibilità li tuża l-livell NUTS III bħala klassifikazzjoni tar-reġjuni fil-politika ta' koeżjoni għal ċerti prijoritajiet magħżula;

Oqsma ta' politika ewlenin għall-politika ta' koeżjoni wara l-2020

25.

Jisħaq fuq l-importanza tal-FSE, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, speċjalment fil-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul u l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni, li jinsabu f'livell storikament għoli, b'mod partikolari f'reġjuni anqas żviluppati, reġjuni ultraperiferiċi u r-reġjuni li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi; jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom l-SMEs fil-ħolqien tal-impjiegi – fid-dawl tal-fatt li dawn jikkostitwixxu 80 % tal-impjiegi fl-Unjoni – fil-promozzjoni ta' setturi innovattivi bħalma huma l-ekonomija diġitali u l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

26.

Jemmen li l-politika ta' koeżjoni għal wara l-2020 għandha tkompli tieħu ħsieb il-persuni vulnerabbli u emarġinati, tindirizza l-inugwaljanzi li kulma jmur qegħdin jiżdiedu u tibni s-solidarjetà; jinnota l-impatt pożittiv f'dak li jikkonċerna l-valur miżjud soċjali u okkupazzjonjali tal-investimenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kultura; josserva, barra minn hekk, il-ħtieġa li tinżamm l-inklużjoni soċjali, inkluż l-infiq tal-FSE, ikkomplementata mill-investimenti FEŻR f'dak il-qasam;

27.

Jissuġġerixxi li jsir użu aħjar mill-Fondi SIE sabiex jiġu indirizzati kemm it-tibdil demografiku kif ukoll il-konsegwenzi reġjonali u lokali tiegħu; huwa tal-opinjoni li f'reġjuni li qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi, bħad-depopolazzjoni, il-Fondi SIE għandhom ikunu mmirati bl-aħjar mod biex joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir;

28.

Jinnota l-importanza dejjem tiżdied tal-Aġenda Territorjali u tas-sħubijiet ta' suċċess bejn iż-żoni rurali u urbani, kif ukoll ir-rwol eżemplari tal-bliet intelliġenti bħala mikrokosmi u katalisti għal soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi reġjonali u lokali;

29.

Jilqa' l-Patt ta' Amsterdam u r-rikonoxximent akbar li ngħata lir-rwol tal-bliet u taż-żoni urbani fit-tfassil tal-politiki Ewropej, u jitlob implimentazzjoni effikaċi tal-metodu ta' ħidma kooperattiv permezz tas-sħubijiet previsti mill-Patt; jistenna li r-riżultati jiġu inkorporati fil-politiki futuri tal-UE għal wara l-2020;

30.

Jissottolinja d-dimensjoni urbana mtejba tal-politika ta' koeżjoni fl-għamla ta' dispożizzjonijiet speċifiċi għall-iżvilupp urban sostenibbli u għal azzjonijiet innovattivi urbani; iqis li wara l-2020 dan għandu jiġi żviluppat ulterjorment u msaħħaħ mil-lat finanzjarju, u li s-sottodelega ta' kompetenzi għal livelli inferjuri għandha tiġi msaħħa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-koordinament bejn diversi miżuri mmirati lejn il-bliet biex jittejjeb is-sostenn dirett lill-gvernijiet lokali fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni billi tipprovdi finanzjament u strumenti maħsuba apposta għall-iżivlupp territorjali; jenfasizza r-rwol futur tal-għodod ta' żvilupp territorjali, bħall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità u l-investimenti territorjali integrati;

31.

Jappoġġa l-impenji tal-UE fil-kuntest tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-għan appoġġat mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE li jintefaq minn tal-anqas 20 % tal-baġit tal-UE fuq azzjoni marbuta mat-tibdil fil-klima, u jissottolinja li l-Fondi SIE għandhom rwol ewlieni f'din id-direzzjoni u għandhom ikomplu jintużaw b'mod effikaċi kemm jista' jkun għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-adattament, kif ukoll għall-ekonomiji ekoloġiċi u l-enerġiji rinnovabbli; iqis li huwa neċessarju li tittejjeb is-sistema ta' monitoraġġ u traċċar għall-infiq għall-klima; jenfasizza l-potenzjal tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea f'dan ir-rigward, kif ukoll ir-rwol tal-bliet u r-reġjuni fil-kuntest tal-Aġenda Urbana;

32.

Jinnota li r-RIS3 ssaħħaħ l-ekosistemi ta' innovazzjoni reġjonali; jisħaq fuq il-punt li l-iżvilupp għar-riċerka, l-innovazzjoni għandu jibqa' jkollu rwol prominenti biex l-UE tkun tista' tikkompeti fil-livell globali; iqis li l-mudell ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għandu jsir wieħed mill-approċċi ewlenin tal-politika ta' koeżjoni għal wara l-2020 billi jħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn reġjuni differenti, bejn ż-żoni urbani u rurali u jsaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku tal-UE, u dan billi joħloq sinerġiji bejn r-RIS3 transnazzjonali u r-raggruppamenti ta' livell dinji; ifakkar fil-proġett pilota eżistenti “Triq lejn l-Eċċellenza” (S2E – Stairway to Excellence), li jkompli jipprovdi sostenn lir-reġjuni fl-iżvilupp u l-isfruttament tas-sinerġiji bejn l-FSIE, Orizzont 2020 u progetti ta' finanzjament oħra tal-UE; huwa tal-fehma, għaldaqstant, li jridu jsiru sforzi ulterjuri biex jiġu mmassimizzati s-sinerġiji bil-għan li jiġu msaħħa ulterjorment l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-innovazzjoni wara l-2020;

33.

Jissottolinja li ż-żieda fil-viżibilità tal-politika ta' koeżjoni hija essenzjali għall-ġlieda kontra l-ewroxettiċiżmu u tista' tikkontribwixxi biex terġa' tintrebaħ il-fiduċja taċ-ċittadini; jenfasizza li, bil-għan li tittejjeb il-viżibilità tal-Fondi SIE, għandha ssir enfasi akbar fuq il-kontenut u r-riżultati tal-programmi tagħhom, permezz ta' approċċ minn fuq għal isfel kif ukoll minn isfel għal fuq li jippermetti l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u l-benefiċjarji li jistgħu jaġixxu bħala mezz effikaċi għat-tixrid tal-kisbiet tal-politika ta' koeżjoni; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-bliet biex jikkomunikaw b'mod aktar effiċjenti kemm dwar ir-riżultati li jistgħu jitkejlu tal-politika ta' koeżjoni li jġibu magħhom valur miżjud għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadin tal-UE; jappella biex l-attivitajiet ta' komunikazzjoni fil-kuntest ta' baġit speċifiku fl-ambitu tal-assistenza teknika għandhom ikomplu, jekk xieraq, sa wara l-konklużjoni ta' proġett meta r-riżultati tiegħu isiru viżibbli b'mod ċar;

X'inhuma l-prospetti?

34.

Jappella biex it-trawwim tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u s-solidarjetà fl-UE u l-orjentazzjoni tal-finanzjament tal-UE lejn it-tkabbir, l-impjieg u l-kompetittività jkunu prijorità tal-aġenda tal-UE; jappella wkoll biex issir ġlieda kontra d-differenzi reġjonali, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll kontra d-diskriminazzjoni; iqis li, flimkien mal-għanijiet minquxa fit-Trattati, il-politika ta' koeżjoni għandha tkompli sservi bħala għodda biex jintlaħqu l-objettivi politiċi tal-UE, biex b'hekk jikkontribwixxu wkoll biex ikun hemm aktar konsapevolezza tar-riżultati tagħha u tibqa' l-politika ta' investiment ewlenija tal-Unjoni disponibbli għar-reġjuni kollha;

35.

Itenni li wasal iż-żmien biex titħejja l-politika ta' koeżjoni tal-UE wara l-2020 bil-għan li tiġi varata b'mod effikaċi fil-bidu nett tal-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid; jitlob, għaldaqstant, biex it-tħejjija min-naħa tal-Kummissjoni tal-qafas leġiżlattiv ġdid tibda fi żmien debitu, jiġifieri eżatt wara l-preżentazzjoni u t-traduzzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP li jmiss; jitlob, barra minn hekk, l-adozzjoni f'waqtha tal-proposti leġiżlattivi kollha għall-politika ta' koeżjoni futura, u gwida dwar il-ġestjoni u l-kontroll qabel il-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid, mingħajr ebda effett retroattiv; jissottolinja li l-implimentazzjoni mdewma tal-programmi operattivi taffettwa l-effiċjenza tal-politika ta' koeżjoni;

36.

Jinnota li n-nukleu tal-qafas leġiżlattiv tal-politika ta' koeżjoni attwali għandu jinżamm wara l-2020 b'politika rfinata, imsaħħa, faċilment aċċessibbli u orjentata lejn ir-riżultati, u li ċ-ċittadini għandhom jingħataw informazzjoni aħjar dwar il-valur miżjud tal-politika;

37.

Jisħaq, fid-dawl tal-proposta tal-Kummissjoni 2016/0282(COD), fuq il-punt li l-akkoljenza ta' migranti u rifuġjati li jinsabu taħt protezzjoni internazzjonali, kif ukoll l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tagħhom, jirrikjedu approċċ transnazzjonali koerenti, li għandu jiġu indirizzat ukoll permezz tal-politika ta' koeżjoni attwali u futura tal-UE;

38.

Josserva l-importanza tal-istabilità fir-regoli; jappella lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tfassal id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni għall-politika ta' koeżjoni taħt il-QFP li jmiss, tagħmel l-iċken ammont ta' tibdiliet possibbli; jinsab konvint dwar il-ħtieġa li s-sehem tal-baġit tal-UE għall-politika ta' koeżjoni wara l-2020 jinżamm f'livell adegwat, jekk mhux saħansitra miżjud, fid-dawl tal-isfidi interni u esterni kumplessi li l-politika ser ikollha tindirizza biex tlaħħaq l-objettivi tagħha; iqis li din il-politika ma tista' tiddgħajjef fl-ebda ċirkostanza, inkluż Brexit, u li jkun tajjeb li fil-ġejjieni is-sehem tagħha tal-baġit totali tal-UE ma jitnaqqasx minħabba d-devjazzjoni ta' riżorsi għal sfidi ġodda; jissottolinja, barra minn hekk, in-natura pluriennali tal-politika ta' koeżjoni u jitlob li l-perjodu ta' programmazzjoni ta' seba' snin tagħha jinżamm jew li jiġi introdott perjodu ta' programmazzjoni ta' 5+5 snin b'reviżjoni ta' nofs it-terminu obbligatorja;

39.

Jitlob l-allokazzjoni rapida tar-riżerva ta' prestazzjoni; jinnota li ż-żmien bejn il-prestazzjoni u r-rilaxx tar-riżerva huwa twil wisq, u għaldaqstant inaqqas l-effikaċja tar-riżerva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippermetti lill-Istati Membri jagħmlu użu mir-riżerva ta' prestazzjoni malli jiġi ffinalizzat ir-rieżami;

40.

Josserva, f'dan il-kuntest, li l-aġenda diġitali, inkluż l-għoti tal-infrastruttura meħtieġa u s-soluzzjonijiet teknoloġiċi avvanzati, għandha tkun prijorità fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari fil-perjodu ta' finanzjament li jmiss; jinnota li l-iżviluppi fis-settur tat-telekomunikazzjoni jrid fi kwalunkwe każ ikun akkumpanjat minn taħriġ adegwat, li għandu jkun appoġġat ukoll mill-politika ta' koeżjoni;

o

o o

41.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri u l-parlamenti tagħhom u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.

(4)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.

(5)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.

(6)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.

(7)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(8)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(9)  Testi adottati, P8_TA(2017)0053.

(10)  Testi adottati, P8_TA(2016)0321.

(11)  Testi adottati, P8_TA(2016)0217.

(12)  ĠU C 305 E, 11.11.2010, p. 14.

(13)  ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 1.

(14)  Testi adottati, P8_TA(2015)0383.

(15)  Testi adottati, P8_TA(2016)0336.

(16)  Testi adottati, P8_TA(2016)0311.

(17)  Testi adottati, P8_TA(2016)0211.

(18)  Testi adottati, P8_TA(2015)0419.

(19)  Testi adottati, P8_TA(2015)0308.

(20)  Testi adottati, P8_TA(2015)0307.

(21)  ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 1.

(22)  Testi adottati, P7_TA(2014)0133.

(23)  Testi adottati, P8_TA(2015)0384.

(24)  ECLI:EU:C:2015:813


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/50


P8_TA(2017)0255

L-istat tal-istokkijiet tal-ħut u s-sitwazzjoni soċjoekonomika tas-settur tas-sajd fil-Mediterran

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-istat tal-istokkijiet tal-ħut u s-sitwazzjoni soċjoekonomika tas-settur tas-sajd fil-Mediterran (2016/2079(INI))

(2018/C 331/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1) (Ir-Regolament CFP),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (2),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (3);

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (Ir-Regolament IUU), li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (4) (Ir-Regolament IUU),

wara li kkunsidra l-istrateġija ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) (2017-2020), li timmira għas-sostenibbiltà tas-swieq tal-ħut tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-Ftehim konkluż bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), u l-Assoċjazzjoni ta' Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd (EUROPÊCHE) tal-21 ta' Mejju 2012 kif emendat fit-8 ta' Mejju 2013 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (5),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tan-NU adottata mill-Assemblea Ġenerali fil-25 ta' Settembru 2015, intitolata “Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli”,

wara li kkunsidra l-Konferenza Reġjonali dwar “Building a future for sustainable small-scale fisheries in the Mediterranean and the Black Sea” (Nibnu futur għal sajd sostenibbli fuq skala żgħira fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed" li saret fl-Alġier, l-Alġerija 7-9 ta' Marzu 2016,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0179/2017),

A.

billi l-Mediterran, bis-17 000 speċi marittima tiegħu, huwa wieħed mill-postijiet ewlenin fid-dinja għall-bijodiversità; billi għalhekk jeħtieġ li jittieħed approċċ multispeċi meta tittieħed deċiżjoni dwar kif għandu jiġi ġestit;

B.

billi, fil-komunikazzjoni tagħha intitolata “Konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2017 skont il-Politika Komuni tas-Sajd” (COM(2016)0396), il-Kummissjoni ssostni li fil-Mediterran is-sajd żejjed għadu prevalenti u jenħtieġu miżuri urġenti biex titranġa din is-sitwazzjoni; billi f'dan id-dokument il-Kummissjoni tesprimi tħassib minħabba li ħafna mill-ispeċijiet ivvalutati qed jiġu mistada f'livell ogħla sew mill-istimi fl-objettiv tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY);

C.

billi l-Mediterran irid jilqa' l-isfida kbira li jintlaħaq l-għan li b'mod progressiv jiġu rrestawrati u jinżammu l-popolazzjonijiet tal-istokkijiet tal-ħut 'il fuq mil-livelli ta' bijomassa li kapaċi jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli sa mhux aktar tard mill-2020 għall-ispeċijiet kollha; billi din l-isfida teħtieġ il-parteċipazzjoni u l-impenn ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE; billi l-livell ġenerali ta' sajd eċċessiv fil-Baċin tal-Mediterran jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għal darbtejn sa tliet darbiet aktar mil-livell tal-FMSY; billi, minkejja l-isforzi konsiderevoli li saru kemm fil-livell tal-UE kif ukoll barra l-UE biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-settur tas-sajd u l-konformità magħha, aktar minn 93 % tal-ispeċijiet ivvalutati fil-Mediterran għadhom meqjusa soġġetti għal sajd eċċessiv;

D.

billi s-sajd f'dan ir-reġjun huwa ta' importanza soċjoekonomika kbira għall-popolazzjonijiet kostali; billi s-settur jimpjega mijiet ta' eluf ta' nies, inkluż permezz tas-settur tal-ipproċessar sekondarju, b'numru sostanzjali ta' nisa, b'mod partikolari, li jiddependu fuq is-sajd għal impjieg; billi l-Mediterran jagħti kontribut vitali biex jipproteġi s-sigurtà tal-ikel, b'mod partikolari għall-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli tar-reġjun; billi s-sajd joffri mezz biex jissupplimenta d-dħul u l-provvisti tal-ikel u jikkontribwixxi għall-istabbiltà reġjonali;

E.

billi l-Baħar Mediterran huwa affettwat minn firxa ta' fatturi – bħat-tniġġis ikkawżat mit-trasport marittimu – li, flimkien mas-sajd, għandhom impatt fuq is-saħħa tal-istokkijiet tal-ħut;

F.

billi s-sajd fuq skala żgħira (SSF) jammonta għal 80 % tal-flotot u 60 % tal-impjiegi fil-baċin tal-Mediterran; billi hija ħasra li ma hemm l-ebda definizzjoni bi qbil komuni tal-SSF fil-livell Ewropew, għalkemm dan huwa xogħol diffiċli minħabba l-varjetà ta' speċifiċitajiet u karatteristiċi fl-ekosistema tal-baħar u s-settur tas-sajd; billi “sajd kostali fuq skala żgħira” huwa formalment definit għall-iskopijiet tal-Fond Ewropew għas-Sajd (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006) biss bħala “sajd imwettaq minn bastimenti tas-sajd b'tul globali ta' inqas minn 12-il metru u li ma jużawx tagħmir irmunkat tas-sajd” (bħal xbieki tat-tkarkir); billi d-definizzjoni tas-sajd fuq skala żgħira jenħtieġ li tqis firxa ta' karatteristiċi nazzjonali u reġjonali;

G.

billi, fil-laqgħa ta' livell għoli dwar l-istatus tal-istokkijiet fil-Mediterran li saret f'Katanja fi Frar 2016, intlaħaq ftehim dwar il-ħtieġa urġenti biex dawn ix-xejriet negattivi jitreġġgħu lura, u ġiet rikonoxxuta l-isfida kbira li jiġu rrestawrati u jinżammu l-popolazzjonijiet tal-istokkijiet tal-ħut 'il fuq mil-livelli ta' bijomassa li kapaċi jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli, filwaqt li jikkonformaw mal-obbligu tas-CFP relatat mal-MSY għall-ispeċijiet kollha sa mhux aktar tard mill-2020;

H.

billi, minbarra s-sajd żejjed, il-Baħar Mediterran qed iħabbat wiċċu ma' għadd ta' sfidi, li l-biċċa kbira minnhom jistgħu jiġu attribwiti għal żoni kostali b'densità għolja tal-popolazzjoni (eċċess ta' nutrijenti, sustanzi li jniġġsu, l-alterazzjonijiet tal-ħabitat u tax-xtut) iżda wkoll għat-trasport marittimu u l-isfruttament żejjed tar-riżorsi, inkluż l-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass, fost oħrajn; billi, barra minn hekk, il-Mediterran huwa vulnerabbli ħafna għat-tibdil fil-klima li flimkien ma' traffiku marittimu intensiv, qed jiffavorixxi l-introduzzjoni u l-istabbiliment ta' speċijiet invażivi ġodda;

I.

billi l-impossibbiltà tal-użu ta' rkaptu u tekniki speċifiċi – li huma aktar aċċettabbli u li għandhom impatt iżgħar fuq l-istatus ta' stokkijiet fil-periklu – għandha effett serju fuq il-vijabbiltà tal-komunitajiet kostali u ta' gżejjer diġà marġinalizzati, tfixkel l-iżvilupp u tikkawża żieda fid-depopolazzjoni;

J.

billi l-komunitajiet tal-kosta fl-Istati Membri Mediterranji huma dipendenti ħafna fuq is-sajd u b'mod speċjali fuq l-SSF, u għalhekk huma fil-periklu minħabba n-nuqqas ta' sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut;

K.

billi hemm numru kbir ta' komunitajiet kostali fl-UE li huma dipendenti ħafna fuq l-attivitajiet tas-sajd tradizzjonali, artiġjanali u fuq skala żgħira fil-Baċin tal-Baħar Mediterran;

L.

billi s-sajd rikreattiv huwa ta' valur soċjoekonomiku f'ħafna reġjuni tal-Mediterran u għandu kemm impatt dirett kif ukoll indirett fuq l-impjiegi;

M.

billi hemm bżonn li jittieħed kont tar-rwol li s-sajd rikreattiv għandu fir-rigward tal-istat tal-istokkijiet fiż-żona tal-Mediterran;

1.

Jenfasizza l-importanza li jiġu infurzati b'mod komprensiv, fuq tul ta' żmien qasir, il-miri u l-miżuri stipulati fil-PKS, u l-abbozzar fil-ħin u l-implimentazzjoni effettiva tal-pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali f'konformità mal-approċċ li jiffoka fuq ir-reġjonalizzazzjoni u l-multipliċità tal-ispeċi; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jintlaħaq l-għan ta' Qagħda Ambjentali Tajba (GES) stabbilit mid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (Direttiva 2008/56/KE), filwaqt li jitqies li l-miżuri tal-ġestjoni tas-sajd jenħtieġ li jiġu deċiżi fil-kuntest tal-PKS;

2.

Huwa tal-fehma li l-Mediterran jenħtieġ li jibqa' jingħata trattament differenzjali meta mqabbel mal-bqija tal-baċini tal-baħar skont il-PKS, peress li ħafna minnu jinkludi ilmijiet internazzjonali li fihom il-pajjiżi terzi għandhom rwol deċiżiv fir-rigward l-istat tal-istokkijiet;

3.

Jikkunsidra li tenħtieġ b'mod urġenti tweġiba li tkun kollettiva, ibbażata fuq il-kooperazzjoni internazzjonali, Ewropea, nazzjonali u reġjonali li tkun fuq diversi livelli; iqis li l-partijiet interessati relevanti kollha, inklużi s-sajjieda professjonali u dilettanti, l-industrija tas-sajd, is-sajd tradizzjonali u artiġjanali fuq skala żgħira, ix-xjenzati, l-organizzazzjonijiet reġjonali, il-maniġers ta' nħawi marini protetti, it-trejdunjins u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, għandhom ikunu involuti fi proċess inklużiv u minn isfel għal fuq; jenfasizza r-rwol strateġiku li għandu l-Kunsill Konsultattiv tal-Mediterran f'dan il-kuntest;

4.

Jenfasizza li mingħajr l-għarfien, l-appoġġ sħiħ u l-involviment tal-komunitajiet tal-kosta, li jeħtiġilhom jiġu informati dwar il-perikli li jiġu eżawriti l-istokkijiet u l-ispeċijiet għall-futur soċjoekonomiku tagħhom, il-miżuri u r-regolamenti ta' ġestjoni mhux se jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom;

5.

Jinnota li m'hemm l-ebda definizzjoni komuni, dettaljata għal sajd fuq skala żgħira u artiġjanali; jenfasizza li definizzjonijiet bħal dawn huma meħtieġa fil-livell tal-UE malajr kemm jista' jkun, għall-użu f'azzjoni politika ulterjuri;

6.

Isostni li fil-qasam tas-sajd, it-tfassil tal-politika għandu jkun tali li jippermetti lis-sajjieda u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, it-trejdunjins, il-Gruppi ta' Azzjoni tal-Kosta u l-komunitajiet lokali jkunu involuti fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u jagħmlu parti integrali minnu, skont il-prinċipju tar-reġjonalizzazzjoni tal-PKS, u jkun jinkludi pajjiżi terzi fuq ix-xtut tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Mediterran; jenfasizza li huwa biss billi jinħolqu kundizzjonijiet ġusti, bilanċjati u ekwi għall-pajjiżi kollha involuti u għall-operaturi kollha tas-sajd fil-Mediterran li jkun possibbli li jiġu żgurati riżorsi tas-sajd b'saħħithom u sajd sostenibbli u ta' qligħ, u għalhekk li jinżammu l-livelli attwali ta' impjiegi u idealment jinħolqu aktar impjiegi fis-settur tas-sajd; jenfasizza r-rwol importanti ta' sħab soċjali b'saħħithom u indipendenti fis-settur tas-sajd, kif ukoll ta' djalogu soċjali istituzzjonalizzat u l-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-kwistjonijiet tal-kumpaniji;

7.

Jinnota li l-PKS tipprovdi inċentivi, inklużi opportunitajiet ta' sajd, għal sajd li jsir b'mod selettiv u b'mod li jiżgura impatt limitat fuq l-ekosistema tal-baħar u riżorsi tas-sajd; jisħaq, f'dak ir-rispett, fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri japplikaw kriterji trasparenti u oġġettivi, inklużi kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiċi (Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-PKS); iħeġġeġ li għandhom isiru sforzi f'din id-direzzjoni biex jiġi żgurat li jingħataw aktar inċentivi u aċċess preferenzjali għaż-żoni tas-sajd kostali għall-flotot fuq skala żgħira (artiġjanali u tradizzjonali) jekk jistadu b'mod selettiv u b'mod li jkollu impatt limitat; jenfasizza l-importanza li jiġu kkonsultati l-komunitajiet tal-kosta kkonċernati;

8.

Josserva li l-influwenza tas-sajd rikreattiv fuq l-istokkijiet u l-potenzjal soċjoekonomiku tiegħu fil-Mediterran ma ġewx studjati biżżejjed; iqis li, fil-futur, jenħtieġ li tinġabar data dwar in-numru ta' sajjieda rikreattivi, il-volum tal-qabdiet tagħhom u l-valur miżjud minnhom f'komunitajiet kostali;

9.

Jinnota li s-sajd rikreattiv għandu dħul ekonomiku għoli għall-komunitajiet lokali, permezz ta' attivitajiet bħat-turiżmu, u għandu impatt ambjentali żgħir u għalhekk jenħtieġ li jitħeġġeġ;

10.

Iqis li huwa essenzjali li jiġi ddefinit is-sajd kostali, is-sajd kostali fuq skala żgħira u s-sajd tradizzjonali f'konformità mal-karatteristiċi soċjoekonomiċi filwaqt li jiġi applikat approċċ reġjonali;

11.

Jenfasizza li s-sajd kostali juża rkapti u tekniki tradizzjonali li, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom jiddefinixxu l-identità u l-mod ta' ħajja tar-reġjuni kostali, u li huwa għalhekk vitali li jiġi ppreservat l-użu tagħhom u jiġu protetti bħala element ta' wirt kulturali, storiku u tradizzjonali;

12.

Iqis li, fil-kuntest tar-reġjonalizzazzjoni, u filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull tip ta' sajd, jenħtieġ li jiġu permessi ċerti derogi ġustifikati rigward l-użu ta' rkaptu u tekniki tas-sajd speċifiċi;

13.

Jenfasizza li, skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), jenħtieġ li jiġi applikat approċċ prekawzjonarju għall-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-isfruttament tar-riżorsi tal-baħar ħajjin, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet soċjoekonomiċi, b'mod li jinkiseb sajd sostenibbli filwaqt li jiġi protett u ppreservat l-ambjent marittimu kollu; jenfasizza li n-nuqqas ta' informazzjoni xjentifika ma jridx ikun skuża għall-falliment tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni; iqis li huwa vitali li tinstab soluzzjoni malajr għan-nuqqas ta' data u informazzjoni xjentifika tanġibbli dwar l-istatus tal-istokkijiet; jenfasizza li l-partijiet interessati kollha jenħtieġ li jiġu kkonsultati u involuti f'dan il-proċess;

14.

Huwa tal-opinjoni li biex jitħarsu u jiġu salvagwardjati r-riżorsi Mediterranji tas-sajd u dawk ambjentali, il-politiki ta' ġestjoni tas-sajd iridu jkunu effettivi u akkumpanjati minn politiki b'saħħithom, wesgħin u urġenti u kontromiżuri għall-fatturi li jaffettwaw u jkollhom impatt negattiv fuq dawk ir-riżorsi bħal: it-tibdil fil-klima (it-tisħin, l-aċidifikazzjoni, l-ammont ta' xita), it-tniġġis (kimiku, organiku, makro u mikroskopiku), it-tiftix u l-estrazzjoni tal-gass u taż-żejt bla kontroll, it-trasport marittimu, l-ispeċijiet invażivi u l-qerda jew it-tibdil tal-ħabitats naturali, speċjalment dawk tal-kosta; għaldaqstant, jenfasizza l-importanza ta' fehim aħjar tal-impatt ta' dawk il-fatturi fuq l-istokkijiet tal-ħut; jitlob biex il-kapaċitajiet Ewropej eżistenti għall-osservazzjoni u l-monitoraġġ tal-baħar Mediterran, bħal EMODnet, u l-programm Copernicus u l-komponent tal-baħar tiegħu, jissaħħu f'dan ir-rigward;

15.

Iqis li l-ħarsien u s-salvagwardja tar-riżorsi tas-sajd u r-riżorsi tal-baħar fil-baċin Mediterran jenħtieġ li ma jkunux ibbażati biss fuq miżuri relatati mal-industrija tas-sajd iżda jenħtieġ li jinvolvu wkoll setturi ta' attività oħrajn li għandhom impatt fuq l-ambjent marin;

16.

Huwa tal-fehma li l-isforzi fil-qasam tal-għarfien dwar il-baħar jenħtieġ li jiġu intensifikati, b'attenzjoni partikolari lil speċijiet sfruttati b'mod kummerċjali, u li dan l-għarfien jenħtieġ li jintuża bħala l-bażi għall-ippjanar tal-isfruttament sostenibbli tagħhom;

17.

Jenfasizza bil-qawwa li fil-Baċin Mediterranju għadha teżisti problema estensiva ta' sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), anki fil-pajjiżi tal-UE; jemmen li l-ebda intervent għas-salvagwardja tar-riżorsi, inkluż u fuq kollox għall-ekonomiji tas-sajd fuq skala żgħira, ma jista' jkun effettiv sakemm ma ssirx ġlieda konvinta u deċiżiva kontra s-sajd IUU; jemmen li l-UE jeħtieġ li tassigura l-appoġġ tal-pajjiżi Mediterranji mhux tal-UE għall-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra s-sajd IUU; jemmen li, barra minn hekk, dawk il-proċeduri ta' spezzjoni jenħtieġ li jiġu armonizzati, kif xieraq, fil-baċin tal-Mediterran kollu fid-dawl tal-applikazzjoni li tvarja ħafna tal-proċeduri ta' spezzjoni u dawk penali;

18.

Ifakkar li l-komunitajiet tal-kosta għandhom influwenza kbira fuq l-effiċjenza tal-miżuri li jimmiraw lejn il-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-identifikazzjoni tas-sajd IUU;

19.

Jagħti prijorità lill-intensifikar tal-attivitajiet ta' kontroll, kemm fuq l-art, tul il-katina sħiħa ta' distribuzzjoni (is-swieq u l-kummerċ tal-forniment tal-ikel) kif ukoll fuq il-baħar, speċjalment f'oqsma fejn l-attività tas-sajd hija sospiża jew ipprojbita b'mod temporanju;

20.

Hu tal-fehma li, sabiex jiġu evitati l-inugwaljanzi soċjali, jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu allokati permezz ta' kriterji oġġettivi u trasparenti, inklużi kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiċi, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-metodi b'impatt baxx; iqis li jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd ikunu wkoll distribwiti b'mod ġust fid-diversi segmenti tas-sajd, inkluż is-sajd tradizzjonali u dak fuq skala żgħira; huwa tal-opinjoni, barra minn hekk, li jenħtieġ li jingħataw inċentivi biex il-flotot jużaw apparat u teknika tas-sajd aktar selettivi li jkollhom impatt aktar baxx fuq l-ambjent tal-baħar, f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-PKS;

21.

Huwa tal-fehma li jenħtieġ li t-tnaqqis tal-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran jiġi indirizzat permezz ta' miżuri ta' ġestjoni u konservazzjoni tas-sajd kummerċjali u rikreattiv, inkluż, b'mod partikolari, permezz ta' restrizzjonijiet marbutin maż-żoni u bbażati fuq iż-żmien u limitazzjonijiet tas-sajd ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa, kif ukoll kwoti, fejn xieraq; iqis li dan ser jiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi ma' pajjiżi terzi għal stokkijiet maqsuma; jemmen li dawn il-miżuri jenħtieġ li jiġu deċiżi b'kooperazzjoni mill-qrib mas-settur ikkonċernat sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effiċjenti;

22.

Jilqa' ż-żieda fin-numru ta' spezzjonijiet magħmula mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u jisħaq fuq il-bżonn li jissaħħu l-isforzi biex jiġu indirizzati ż-żewġ problemi ewlenin f'termini ta' konformità fl-2016, partikolarment: id-dikjarazzjoni falza tad-dokumenti (ġurnali ta' abbord, dikjarazzjonijiet ta' ħatt l-art u tat-trasferiment, noti tal-bejgħ eċċ) u l-użu ta' rkaptu pprojbit jew tagħmir tas-sajd mhux konformi;

23.

Jenfasizza li s-sajjieda jenħtieġ li qatt ma jitħallew jerfgħu r-responsabbiltajiet li jirriżultaw mill-obbligu ta' ħatt l-art stabbilit fil-PKS riformata;

24.

Jitlob li jsir studju tal-konsegwenzi li t-tmiem tar-rimi tal-ħut se jkollu f'dak li jirrigwarda l-fatt li l-organiżmi tal-baħar u speċijiet oħra bħall-gawwin jiċċaħħdu min-nutrijenti;

25.

Jinnota li s-sistema ta' żoni protetti tal-baħar fil-Mediterran tkopri perċentwal mhux adegwat tal-wiċċ, u b'differenzi kbar fil-kopertura bejn id-diversi baċini; jirrimarka li hemm nuqqas ġenerali ta' riżorsi ekonomiċi; iqis li huwa kruċjali li jiġi rikonoxxut u jittejjeb ir-rwol li ż-żoni protetti tal-baħar diġà għandhom bħala laboratorji avvanzati għar-riċerka xjentifika, għall-implimentazzjoni ta' miżuri speċifiċi u għall-kooperazzjoni u l-ġestjoni kondiviża mas-sajjieda, u li jiġi ottimizzat l-użu tagħhom fid-dawl tal-parir xjentifiku u l-objettivi ta' konservazzjoni; iqis li huwa importanti, f'dan ir-rigward, li tiġi żgurata żieda stabbli fil-finanzjament tas-sistema; iqis li huwa kruċjali li ssir kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-GFCM u l-pajjiżi mhux tal-UE bil-għan li jidentifikaw iż-żoni li għandhom ikunu koperti minn miżuri ta' protezzjoni, u li jistabbilixxu sistema effettiva ta' monitoraġġ u kontroll li tanalizza l-effettività ta' dawk iż-żoni;

26.

Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li żoni protetti tal-baħar ikunu jkopru, sal-2020, mill-inqas 10 % tal-Baħar Mediterran, f'konformità mal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 14.5 tan-Nazzjonijiet Uniti; jistieden lill-GFCM, waqt is-Sessjoni Annwali tal-2018, biex tilħaq qbil dwar kalendarju progressiv b'objettivi kwalifikati sabiex tintlaħaq din il-mira; jenfasizza li, f'ħafna każijiet, iż-żoni protetti tal-baħar eżistenti mhumiex ġestiti sew; iqis, għalhekk, li minbarra li tiġi introdotta sistema effettiva ta' monitoraġġ u kontroll, huwa neċessarju li jiġu żviluppati u applikati miżuri ta' ġestjoni skont l-approċċ tal-ekosistema sabiex tkun tista' tiġi mmonitorjata l-effettività tal-miżuri ta' protezzjoni;

27.

Jenfasizza, b'mod partikolari, l-bżonn li tiġi protetta l-kooperazzjoni fil-ġestjoni ta' żoni sensittivi li jirrappreżentaw postijiet riproduttivi għall-aktar speċijiet ekonomikament importanti (eż. il-Jabuka Pit fil-Baħar Adrijatiku);

28.

Jenfasizza li l-Mediterran huwa kkaratterizzat minn popolazzjoni bijoloġikament unika li hija sfruttata minn flotot minn pajjiżi differenti, u li għalhekk il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mill-qrib tal-miżuri biex jiġi rregolat is-sajd fost il-partijiet interessati kollha u fuq il-livelli kollha huma vitali;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri ħalli jindirizzaw il-problema tal-iskart fil-baħar u l-plastik fil-baħar, li joħolqu ħsarat ambjentali, ekoloġiċi, ekonomiċi u għas-saħħa serji ħafna;

30.

Iqis li huwa vitali għall-politiki li jkollhom approċċ varjat u modulat, fil-pjanijiet ta' ġestjoni, u li jużaw kriterji differenti bbażati fuq il-karatteristiċi bijoloġiċi tal-ispeċijiet u fuq dawk tekniċi tal-metodi tas-sajd; jemmen, barra minn hekk, li kull pjan pluriennali jenħtieġ li jipprevedi pjanifikazzjoni adegwata fl-ispazju (iż-żoni fejn ma jistax isir sajd, fuq bażi ta' rotazzjoni, għeluq totali jew parzjali skont is-sistemi tas-sajd) u fiż-żmien (perjodi ta' rkupru bijoloġiku), kif ukoll il-promozzjoni ta' miżuri tekniċi mmirati lejn selettività massima tal-irkaptu; jenfasizza li jenħtieġ li jiġi previst kumpens finanzjarju xieraq;

31.

Jilqa' l-impenji meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward ta' pjan ta' ġestjoni pluriennali għall-Baħar Mediterran; jenfasizza l-importanza tar-reġjonalizzazzjoni tal-PKS għall-ġestjoni tas-sajd fil-baċin Mediterran; jitlob li l-Kunsill Konsultattiv tal-Mediterran (MEDAC) jiġi involut tul il-proċess ta' ppjanar u twaqqif tal-pjan ta' ġestjoni pluriennali u l-miżuri reġjonalizzati;

32.

Is-sajjieda jeħtiġilhom li jiġu garantiti dħul diċenti waqt il-perjodi ta' mistrieħ bijoloġiku;

33.

Jenfasizza li jenħtieġ li fil-Mediterran jiġi adottat daqs minimu permess għall-ispeċijiet immirati kummerċjali u rikreattivi kollha, skont il-maturità sesswali u abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli; jinnota li jenħtieġ li jittieħdu miżuri biex dawn id-daqsijiet minimi permessi jiġu infurzati b'mod aktar strett;

34.

Jemmen li jeħtieġ li titħeġġeġ azzjoni kkoordinata ma' pajjiżi terzi mill-Mediterran billi tiżdied il-kooperazzjoni politika u teknika taħt il-patronaġġ ta' istituzzjonijiet internazzjonali attivi f'dan il-qasam; jilqa' t-tnedija reċenti tal-programm MedFish4Ever tal-Kummissjoni, li hija sejħa għal azzjoni biex jitwaqqaf it-tnaqqis tal-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran; jenfasizza l-bżonn li nagħmlu dak kollu li nistgħu taħt dan il-programm sabiex jiġi promoss sajd sostenibbli fil-pajjiżi tal-Mediterran;

35.

Jenfasizza l-bżonn li jiġi promoss u implimentat ftehim rigward l-għeluq tal-unitajiet temporali/spazjali li jimponu limiti sekwenzjali temporanji fuq is-sajd fiż-żoni ta' tgħammir ta' ċerti speċijiet matul is-sena; din l-istaġjonalizzazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni tal-isforzi għas-sajd se tkun produttiva ħafna u jenħtieġ li tiġi skedata mal-ftehim tal-komunitajiet tas-sajd u l-konsulenti xjentifiċi;

Miżuri fir-rigward ta' pajjiżi terzi

36.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi miżuri permezz tal-GFCM li jtejbu l-istat tal-istokkijiet kondiviżi mal-pajjiżi terzi, filwaqt li jittieħed ukoll vantaġġ mill-attivitajiet ta' kooperazzjoni diġà stabbiliti bejn il-korpi li jirrappreżentaw il-flotot u dawk li jirrappreżentaw l-impriżi li joperaw fl-industrija tas-sajd u l-awtoritajiet jew korpi korrispondenti tal-pajjiżi terzi kkonċernati;

37.

Jinnota li n-nuqqas ta' qafas regolatorju komuni għall-flotot tal-UE u dawk mhux tal-UE li joperaw fil-Mediterran joħloq kompetizzjoni inġusta bejn is-sajjieda filwaqt li fl-istess ħin jhedded is-sostenibbiltà tal-qabda fit-tul għall-ispeċijiet kondiviżi;

38.

Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni u l-ħtieġa li tiġi promossa l-konformità u l-kundizzjonijiet ekwi fil-kontroll tas-sajd mal-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u li tissaħħaħ il-koordinazzjoni orizzontali għall-ġestjoni taż-żoni marini u l-istokkijiet tal-ħut lil hinn mill-ġurisdizzjonijiet nazzjonali;

39.

jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-pajjiżi Mediterranji mhux tal-UE biex iwettqu sajd sostenibbli, billi jappoġġjaw is-sajd fuq skala żgħira u dak kostali, jikkondividu l-aħjar prattiki u jżommu kanal miftuħ ta' komunikazzjoni, u biex jistabbilixxu d-djalogu meħtieġ bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali differenti involuti, sabiex tiġi appoġġjata b'mod adegwat l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' nofs it-terminu tal-GFCM (2017-2020) u tinqaleb it-tendenza allarmanti fl-istatus tal-istokkijiet tal-Mediterran; jistieden lill-Kummissjoni torganizza skambji effettivi ta' informazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-Mediterran dwar l-attivitajiet ta' flotot ta' pajjiżi terzi li joperaw fil-Mediterran;

40.

Jitlob li jiġi stabbilit pjan reġjonali, taħt il-patronaġġ tal-GFCM, bil-għan li jiġi żgurat li jintlaħqu kundizzjonijiet ugwali għall-bastimenti kollha tas-sajd fiż-żona tal-Mediterran u li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn ir-riżorsi tas-sajd u l-kapaċità tal-flotta tal-pajjiżi kollha fix-xatt tal-Mediterran; jitlob, barra minn hekk, l-istabbiliment ta' ċentru reġjonali dwar is-sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) u operazzjonijiet ta' spezzjoni konġunti;

41.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tissospendi l-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi li ma jiħdux il-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeradikaw is-sajd IUU li huma mitluba minnhom mil-liġi internazzjonali bħala stati tal-bandiera, tal-port, kostali jew ta' kummerċjalizzazzjoni;

42.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jappoġġjaw, jagħtu l-assistenza kollha possibbli u jaħdmu flimkien mal-pajjiżi terzi biex jiġġieldu b'mod aħjar kontra l-IUU fil-Mediterran kollu;

43.

Iħeġġeġ lill-istati max-xatt biex jikkooperaw sabiex jistabbilixxu żoni tas-sajd ristretti u żoni protetti tal-baħar inkluż fl-ibħra internazzjonali;

44.

Jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit sett ta' regoli bażi għall-ġestjoni tas-sajd rikreattiv tul il-Mediterran kollu;

Aspetti soċjoekonomiċi

45.

Jenfasizza li 250 000 ruħ huma impjegati direttament fuq il-vapuri u li n-numru ta' persuni dipendenti fuq l-industrija tas-sajd għall-għajxien tagħhom huwa esponenzjalment ogħla jekk wieħed iqis il-familji li jgħixu bis-saħħa tas-sajd reġjonali u li huma impjegati fl-industriji sekondarji, bħall-ipproċessar u l-manutenzjoni tal-bastimenti u t-turiżmu, inkluż turiżmu marbut mas-sajd rikreattiv; jinnota li 60 % tal-impjiegi involuti fis-sajd jinsabu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran, fatt li jindika kemm hu importanti s-sajd fuq skala żgħira (artiġjanali u tradizzjonali) u dak rikreattiv fl-iżvilupp sostenibbli ta' dawk ir-reġjuni u, b'mod partikolari, tal-komunitajiet l-aktar vulnerabbli tal-kosta;

46.

Iqis li huwa essenzjali li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sajjieda, billi wieħed jibda mir-remunerazzjoni diċenti u l-kompetizzjoni ġusta, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għar-rata għolja ta' inċidenti tal-industrija u r-riskju għoli ta' mard okkupazzjonali; jissuġġerixxi li l-Istati Membri jistabbilixxu strumenti ta' appoġġ tad-dħul, b'rispett dovut għal-liġijiet u d-drawwiet ta' kull Stat Membru; jirrakkomanda fl-aħħar li l-Istati Membri jwaqqfu fond ta' kumpens għal paga stabbli sabiex ikopri l-perjodi mingħajr sajd, li jistgħu jkunu minħabba kundizzjonijiet ħżiena tat-temp li jagħmlu s-sajd impossibbli, staġuni magħluqa għas-sajd (perjodi ta' mistrieħ bijoloġiku) sabiex jissalvagwardjaw iċ-ċiklu tal-ħajja tal-ispeċijiet sfruttati, diżastri ambjentali jew avvenimenti li jinvolvu tniġġis ambjentali fit-tul jew kontaminazzjoni permezz ta' bijotossini marini;

47.

Jinnota li l-industrija tas-sajd tal-UE issa ilha għaddejja minn perjodu diffiċli għal bosta snin minħabba spejjeż tal-produzzjoni ogħla, tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut, qabdiet imnaqqsa u tnaqqis kostanti fid-dħul;

48.

Jinnota li s-sitwazzjoni soċjoekonomika fis-settur marret lura minħabba raġunijiet differenti, inkluż it-tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut, it-tnaqqis fil-valur tal-ħut mal-ewwel bejgħ (li ma kienx rifless fil-prezz tal-bejgħ bl-imnut, minħabba d-distribuzzjoni mhux ġusta tal-valur miżjud tul il-katina tal-valur tas-settur mill-biċċa l-kbira tal-intermedjarji u, f'xi reġjuni, minħabba l-monopolji fuq id-distribuzzjoni), u ż-żieda fl-ispejjeż tal-fjuwil; jinnota li dawn id-diffikultajiet ikkontribwew għaż-żieda fl-isforz tas-sajd, li huwa ta' tħassib partikolari fil-każ tas-sajd fuq skala żgħira u jistgħu tabilħaqq jipperikolaw il-futur ta' dan l-għajxien tradizzjonali u l-għajxien tal-komunitajiet lokali li jiddependu ħafna mis-sajd;

49.

Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati inizjattivi li jistgħu jħallu impatt pożittiv fuq l-impjiegi u li jkunu kompatibbli mat-tnaqqis tal-isforz tas-sajd, bħat-turiżmu tas-sajd jew l-attivitajiet ta' riċerka;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-aċċess għal kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti u protezzjoni soċjali adegwata għall-ħaddiema kollha fis-settur tas-sajd, irrispettivament mid-daqs u t-tip tal-impriża li timpjegahom, il-post tax-xogħol jew il-kuntratt sottostanti, anki billi jużaw il-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli ffirmati fir-reġjun biex jiġġieldu d-dumping soċjali u jtejbu l-aċċess għas-swieq u l-finanzi, il-kooperazzjoni mal-amministrazzjonijiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi u d-diversifikazzjoni tal-mezzi tal-għajxien; jenfasizza l-importanza ta' spezzjonijiet u kontrolli effikaċi tax-xogħol;

51.

Jissottolinja l-ħtieġa li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sajjieda minħabba r-rata għolja ta' inċidenti fis-settur, kif ukoll ir-riskju sproporzjonalment għoli ta' mard okkupazzjonali, kemm fiżiku kif ukoll mentali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja għas-sajjieda; jenfasizza l-importanza li jkunu pprovduti faċilitajiet sanitarji xierqa, kemm abbord il-bastimenti tas-sajd kif ukoll fuq l-art, u wkoll akkomodazzjoni diċenti u opportunitajiet għal attivitajiet rikreattivi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-portijiet u l-kanali interni jinżammu joperaw b'mod sikur u navigabbli;

52.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ggarantit li kull ħuta u prodott tas-sajd impurtati fl-UE jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jikkonformaw mal-istandards internazzjonali ambjentali, tax-xogħol u tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw kompetizzjoni u sostenibbiltà ġusti fis-settur tas-sajd sabiex jiġu salvagwardjati l-impjiegi u t-tkabbir; jenfasizza li dan huwa essenzjali mhux biss fir-rigward tal-kompetizzjoni fl-Unjoni, iżda wkoll u b'mod partikolari fir-rigward tal-kompetituri bbażati f'pajjiżi terzi;

53.

Jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jippromwovu l-użu sħiħ mill-fondi permezz tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel l-aħjar li tista' biex tassisti kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-Istati mhux tal-UE fl-użu tal-fondi kollha disponibbli bl-aktar mod effiċjenti, b'mod partikolari fir-rigward ta' dan li ġej:

titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sikurezza abbord;

tisħiħ tal-qagħda tax-xogħol u t-taħriġ vokazzjonali u appoġġ tal-emerġenza u l-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi ġodda fis-settur permezz ta' reklutaġġ, edukazzjoni u taħriġ multidixxiplinarju taż-żgħażagħ;

tisħiħ tar-rwol tan-nisa fis-sajd u fis-setturi ta' produzzjoni marbuta direttament miegħu, filwaqt li jitqies li dawn jammontaw għal 12 % tal-forza tax-xogħol globali tal-industrija;

54.

Jirrimarka li l-FEMS irid jgħin lill-industrija tas-sajd fuq skala żgħira biex iġedded l-irkaptu tagħha sabiex, b'mod partikolari, tissodisfa r-restrizzjonijiet severi marbuta mal-obbligu ta' ħatt l-art;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ it-twaqqif u l-attivitajiet ta' Gruppi ta' Azzjoni tas-Sajd Lokali (FLAGs) li jippromwovu mudell ta' sajd sostenibbli;

56.

Hu jqis essenzjali l-promozzjoni, it-tisħiħ u l-inċentivazzjoni tal-kooperazzjoni fost is-sajjieda, b'mod partikolari s-sajjieda ż-żgħar, tal-istess żona jew reġjun, sabiex jindirizzaw flimkien l-ippjanar u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd lokali, bl-għan ta' reġjonalizzazzjoni effettiva u prattika, bi qbil mal-miri tal-PKS, iqis li l-frammentazzjoni u d-differenzjazzjoni enormi tax-xogħlijiet, il-miri, il-karatteristiċi tekniċi u tal-ekwipaġġ użat huma fattur partikolari għas-sajd fil-Mediterran, u li approċċ trażversali u uniformi, għalhekk, ma jkunx jirrispetta dawn l-ispeċifiċitajiet lokali;

57.

Josserva li, minkejja t-titjib riċenti, in-numru tal-istokkijiet mingħajr valutazzjoni affidabbli tal-qagħda tagħhom għadu għoli, u li l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) jilmenta li qegħdin naffaċċjaw ukoll tnaqqis fl-istess valutazzjonijiet, minn 44 fl-2012 għal 15 biss fl-2014; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat ġbir rapidu u xieraq ta' data u li tissaħħaħ u tiġi appoġġjata żieda fin-numru ta' studji u speċji koperti mid-data, b'hekk jiżdied l-għarfien dwar l-istokkijiet, l-impatt tas-sajd rikreattiv u fatturi esterni bħat-tniġġis sabiex tinkiseb ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet;

58.

Iqis li l-ġestjoni korretta u sostenibbli tar-riżorsi hija kontinġenti fuq il-kwantità u l-użu xjentifiku tad-data miġbura fuq fatturi, bħal pereżempju l-kapaċità tas-sajd, l-attivitajiet tas-sajd imwettqa u s-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħhom, u l-istat bijoloġiku tal-istokk sfruttat;

59.

Jinnota li 40 % tal-ħut li jinħatt l-art fiż-żona koperta mill-GFCM ġej minn stokkijiet li għalihom teżisti valutazzjoni xjentifika pprovduta lill-Kummissjoni, u li l-perċentwal huwa anqas f'dak li jirrigwarda stokkijiet koperti minn pjan ta' ġestjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jittejjeb l-iskop tal-valutazzjonijiet xjentifiċi dwar il-qagħda tal-istokkijiet u li jiżdied il-perċentwal tal-ħatt l-art li jkun ġej minn tipi ta' sajd irregolati minn pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali;

60.

Iqis li l-valutazzjonijiet tal-isforz tas-sajd fis-sajd rikreattiv u l-ġbir ta' data dwar il-qabdiet f'kull baċin tal-baħar u fil-Mediterran huma importanti;

61.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċi integrati li jieħdu inkunsiderazzjoni fl-istess waqt l-eteroġeneità tal-ambjent tal-baħar, il-kumplessità tal-ispeċijiet (kemm dawk sfruttati u dawk li mhumiex) fil-baħar, il-karatteristiċi differenti u l-imġiba tal-attivitajiet tas-sajd, il-fenomenu tat-tnaqqis fil-valur tal-ħut mal-ewwel bejgħ u, f'xi reġjuni, il-monopolji fuq id-distribuzzjoni, kif ukoll il-fatturi l-oħrajn kollha li jkollhom effett fuq is-saħħa tal-istokkijiet tal-ħut;

62.

Jirrikonoxxi li d-data disponibbli biex jitkejlu l-firxa u l-impatt tal-attività tas-sajd fuq skala żgħira hija ftit u tista' wkoll tvarja minn pajjiż għal ieħor; josserva li, minħabba dan in-nuqqas ta' data, is-sajd mhux industrijali għandu t-tendenza li jiġi sottovalutat;

63.

Jenfasizza li fehim aħjar tal-impatt ekonomiku u soċjali tat-tipi differenti ta' sajd, speċjalment dak fuq skala żgħira u dak rikreattiv, jgħin fid-determinazzjoni tal-aħjar miżuri ta' ġestjoni;

64.

Jappoġġja bil-qawwa l-proposta tal-GFCM li jinħoloq katalogu tal-attività tas-sajd, u li dan ikun jinkludi informazzjoni dwar l-irkaptu u l-operazzjonijiet tas-sajd, deskrizzjoni taż-żoni tas-sajd kif ukoll l-ispeċijiet fil-mira u l-qabdiet inċidentali, li minnha tinkiseb deskrizzjoni sħiħa tal-attivitajiet tas-sajd fiż-żona u tal-interazzjonijiet ma' setturi oħrajn bħas-sajd rikreattiv;

65.

Iqis li jenħtieġ li jiġu applikati regoli ġodda għas-sajd rikreattiv u li jenħtieġ li jitfassal ukoll katalogu ta' attivitajiet ta' sajd rikreattiv, li jinkludi informazzjoni dwar l-irkaptu u l-operazzjonijiet tas-sajd, deskrizzjoni taż-żoni tas-sajd, l-ispeċijiet fil-mira u l-qabdiet aċċessorji;

66.

Jappella lill-Kummissjoni biex tippromwovi kooperazzjoni xjentifika qawwija u biex taħdem fuq it-titjib tal-ġbir tad-data għall-istokkijiet l-aktar importanti, tqassar il-ħin bejn il-ġbir u l-valutazzjoni finali, u titlob valutazzjonijiet tal-istokkijiet il-ġodda mill-STECF; jiddeplora b'mod qawwi l-fatt li, fil-Mediterran, il-parti l-kbira tal-ħatt l-art ġej minn speċijiet li dwarhom hemm disponibbli verament ftit data (“data deficient fisheries”);

67.

Jenfasizza l-ħtieġa qawwija u kruċjali li tiżdied il-kondiviżjoni tad-data u li jingħeleb in-nuqqas ta' aċċessibbiltà u t-tixrid tagħha, permezz tal-iżvilupp ta' database komuni b'data dwar is-sajd komprensiva u affidabbli u permezz tal-istabbiliment ta' netwerk ta' esperti u istituzzjonijiet ta' riċerka li jkopru oqsma differenti tax-xjenza tas-sajd; din id-database jenħtieġ li tiġi ffinanzjata mill-UE u jenħtieġ li jkun fiha d-data kollha dwar is-sajd u l-attivitajiet tas-sajd minn subżona ġeografika, inkluża d-data dwar is-sajd rikreattiv, sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tad-data ta' kwalità, indipendenti u komprensiva u b'hekk jitjiebu l-valutazzjonijiet tal-istokkijiet;

68.

Jinnota li l-impatt, il-karatteristiċi u l-iskala tas-sajd IUU mhumiex attwalment ivvalutati b'mod suffiċjenti, li l-valutazzjoni tagħhom tista' tvarja minn pajjiż għal ieħor fil-baċin tal-Mediterran u li dawn il-pajjiżi, għalhekk, mhumiex rappreżentati korrettament fl-informazzjoni dwar l-istat attwali tas-sajd u dwar ix-xejriet tul iż-żmien; jenfasizza li dawn il-pajjiżi għandhom jiġu kkunsidrati b'mod xieraq fl-iżvilupp ta' valutazzjonijiet xjentifiċi għall-finijiet tal-ġestjoni tas-sajd;

69.

Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw il-frodi li tikkonċerna l-ikel ġej mill-baħar permezz tat-tikkettar u t-traċċabbiltà tal-prodotti u jżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu s-sajd illegali; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' informazzjoni disponibbli dwar is-sitwazzjoni tal-maġġoranza tal-istokkijiet (“stokkijiet li dwarhom ftit hemm data”) u l-fatt li madwar 50 % tal-qabdiet mhumiex iddikjarati uffiċjalment filwaqt li 80 % tal-qabdiet li jinħattu l-art jiġu minn stokkijiet “li dwarhom ftit hemm data”;

70.

Jistieden lill-Istati Membri biex jirratifikaw u jimplimentaw b'mod sħiħ il-konvenzjonijiet tal-ILO rilevanti kollha għall-ħaddiema fis-setturi tas-sajd, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, u biex jissaħħu l-istituzzjonijiet ta' negozjar kollettiv sabiex il-ħaddiema tal-baħar, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom, jibbenefikaw mid-drittijiet tax-xogħol tagħhom;

71.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ u tappoġġja l-investimenti fid-diversifikazzjoni u l-innovazzjoni fis-settur tas-sajd permezz tal-iżvilupp ta' attivitajiet komplementari;

Għarfien

72.

Hu jenfasizza li jistgħu jinkisbu riżultati effettivi u twettiq sħiħ b'livell għoli ta' responsabbiltà u għarfien fost l-operaturi tas-settur, permezz tat-tisħiħ u l-edukazzjoni tas-sajjieda kollha (professjonali u sportivi) u l-involviment tagħhom fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, waqt li jiżdiedu l-azzjonijiet għat-tixrid ta' prattiki tajbin;

73.

Jemmen li huwa importanti li tiġi rrakkomandata l-provvista obbligatorja ta' informazzjoni xierqa għall-konsumatur li tagħti dettalji dwar l-oriġini eżatta tal-prodotti u l-metodu u d-data tal-qabda; iqis li jeħtieġ li nanalizzaw u nivvalutaw jekk il-miżuri pprovduti fl-OKS il-ġdida rnexxielhomx itejbu l-informazzjoni għall-konsumatur;

74.

Iqis li huwa importanti, barra minn hekk, li titqajjem kuxjenza fost il-konsumaturi u jiġu edukati biex jikkunsmaw il-ħut b'mod responsabbli, billi jagħtu preferenza lill-ispeċijiet lokali, maqbuda b'tekniki sostenibbli, u li possibbilment ikunu ġejjin minn stokkijiet mhux sfruttati żżejjed u mhux mibjugħa b'mod wiesa'; iqis li huwa neċessarju, għal dan il-għan, li titħeġġeġ sistema ta' traċċabbiltà u tikkettar effettiva u affidabbli, f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti sabiex, fost l-oħrajn, jiġu infurmati l-konsumaturi u tiġi miġġielda l-frodi tal-ikel;

75.

Jemmen li jrid jinħoloq bilanċ bejn il-kompetizzjoni ġusta, il-ħtiġijiet tal-konsumaturi, is-sostenibbiltà tas-settur tas-sajd u ż-żamma tal-impjiegi; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ komprensiv u rieda politika qawwija mill-pajjiżi kollha Mediterranji sabiex jiffaċċjaw l-isfidi u jtejbu s-sitwazzjoni fil-Baħar Mediterran;

76.

Jilqa' l-kampanja MEDFISH4EVER imnedija mill-Kummissjoni bil-għan li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku tas-sitwazzjoni fil-Baħar Mediterran;

77.

Huwa tal-fehma li l-iskejjel, l-isptarijiet u faċilitajiet pubbliċi oħrajn jenħtieġ li jiġu forniti b'ħut minn sajd lokali;

78.

Jenfasizza li, fid-dawl ta' dan ix-xenarju l-ġdid u ta' dawn il-fatturi ġodda kollha marbutin ma' xulxin fil-Mediterran, ir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 irid jiġi rivedut għall-Mediterran biex ikun adattat għas-sitwazzjoni attwali;

79.

Jirrimarka li r-Regolament (KE) Nru 1967/2006 irid jiġi rivedut, b'mod partikolari l-parti li tirreferi għall-projbizzjoni tal-użu ta' ċertu rkaptu tradizzjonali (eż. il-projbizzjoni tal-użu ta' għeżula barra mill-kategorija ta' sajd kummerċjali) u d-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-karatteristiċi speċifiċi tal-irkaptu, bħall-għoli u d-daqs tal-malja tax-xbieki tas-sajd u l-fond u d-distanza mill-kosta fejn jista' jintuża l-irkaptu;

o

o o

80.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

(3)  ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.

(4)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2016)0343.


L-Erbgħa 14 ta’ Ġunju 2017

18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/60


P8_TA(2017)0260

Il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex jitwaqqfu u jiġu evitati d-differenzi bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex titwaqqaf u tiġi evitata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel (2016/2061(INI))

(2018/C 331/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 151, 153, u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet soċjali u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,

wara li kkunsidra l-Artikoli 22 u 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 16 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (CESCR): Id-dritt ugwali tal-irġiel u n-nisa għat-tgawdija tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali (l-Artikolu 3 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR)), (1) u l-Kumment Ġenerali Nru 19 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (CESCR): Id-dritt għas-sigurtà soċjali (l-Artikolu 9 tal-ICESCR) (2),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-Artikoli 4(2), 4(3), 12, 20 u 23 tal-Karta Soċjali Ewropea,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tal-5 ta' Diċembru 2014 (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (7),

wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni ta' Awwissu 2015 intitolat “New start to address the challenges of work-life balance faced by working families” (Bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw il-familji ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tax-xogħol),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu “Strategic engagement for gender equality 2016-2019” (Involviment strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019) (SWD(2015)0278), u b'mod partikolari l-Objettiv 3.2 tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa li jkunu qed joqorbu lejn l-età tal-pensjoni (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar is-sitwazzjoni tal-ommijiet waħedhom (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013 (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015 (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja u dik tax-xogħol (15),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-18 ta' Ġunju 2015 dwar “Opportunitajiet ta' dħul ugwali għan-nisa u l-irġiel: Intemmu d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u l-irġiel”,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Diċembru 2015 tal-Grupp ta' Tliet Presidenzi tal-UE (in-Netherlands, is-Slovakkja u Malta) dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi,

wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill fis-7 ta' Marzu 2011,

wara li kkunsidra l-istudju kkummissjonat mid-Dipartiment tal-Politika għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u Affarijiet Kostituzzjonali intitolat “Id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi: id-differenzi bejn l-ommijiet u n-nisa li m'għandhomx tfal” (2016) u l-istudju tal-Kummissjoni “Id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi fl-UE” (2013),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0197/2017),

A.

billi fl-2015, fl-UE, id-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel, li tista' tiġi definita bħala d-differenza fid-dħul medju qabel it-taxxa li n-nisa jirċievu bħala pensjoni meta mqabbla ma' dik tal-irġiel, kienet ta' 38,3 % għall-faxxa tal-età ta' 65 sena u aktar, u żdiedet f'nofs l-Istati Membri fl-aħħar ħames snin; billi l-kriżi finanzjarja tas-snin riċenti kellha impatt negattiv fuq id-dħul ta' ħafna nisa; billi f'xi Stati Membri bejn 11 % u 36 % tan-nisa m'għandhom ebda aċċess għal xi pensjoni;

B.

billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija wieħed mill-prinċipji komuni u fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 8 tat-TFUE u l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jenħtieġ li bl-istess mod tiġi integrata fil-politiki, l-inizjattivi, il-programmi u l-azzjonijiet kollha tal-UE;

C.

billi n-nisa jibbenefikaw minn kopertura aktar dgħajfa mill-irġiel fir-rigward tal-pensjoni fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u t-tnejn huma rrappreżentati żżejjed fil-kategoriji tal-pensjonijiet l-aktar foqra u mhumiex irrappreżentati biżżejjed fil-kategoriji l-aktar għonja;

D.

billi dawn id-disparitajiet huma inaċċettabbli u jenħtieġ li jitnaqqsu u l-kontribuzzjonijiet kollha tal-pensjonijiet jiġu kkalkolati u miġbura b'mod newtrali fir-rigward tal-irġiel u n-nisa fl-UE, li għandha l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tagħha, kif ukoll id-dritt tal-persuni kollha għal ħajja dinjituża bħala wieħed mid-drittijiet fundamentali tagħha kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

E.

billi persuna minn kull erbgħa fit-28 Stat Membru tal-UE tiddependi mill-pensjoni tagħha bħala sors prinċipali ta' introjtu u billi kien hemm żieda sinifikanti fl-għadd ta' persuni li laħqu l-età tal-irtirar, minħabba l-fatt li l-istennija tal-għomor twalet u l-popolazzjoni b'mod ġenerali xjaħet, dan se jwassal għall-irduppjar f'din il-kategorija sal-2060;

F.

billi, b'riżultat tat-tibdil demografiku, fil-futur anqas u anqas impjegati attivi se jkollhom jipprovdu għal għadd dejjem akbar ta' pensjonanti, li jfisser li l-iskemi tal-pensjonijiet għall-anzjani privati u okkupazzjonali se jsiru dejjem aktar importanti;

G.

billi l-għan tal-politiki tal-pensjonijiet huwa li jiżguraw indipendenza ekonomika, li hija essenzjali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u li s-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri jagħtu liċ-ċittadini kollha tal-UE dħul tal-irtirar adegwat u diċenti u standard ta' għajxien aċċettabbli u jħarsuhom mir-riskju tal-faqar li jirriżulta minn diversi fatturi jew mill-esklużjoni soċjali, biex b'hekk jiġu ggarantiti parteċipazzjoni soċjali, kulturali u politika attiva u ħajja b'dinjituża fix-xjuħija, sabiex ikomplu jkunu parti mis-soċjetà;

H.

billi r-responsabilità individwali li qed tikber għal deċiżjonijiet rigward tfaddil li jinvolvu riskji differenti tfisser ukoll li l-individwi jridu jiġu informati b'mod ċar dwar il-possibbiltajiet disponibbli u r-riskji assoċjati; billi kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel, u b'mod partikolari n-nisa, iridu jiġu appoġġjati fit-titjib tal-livell tal-litteriżmu finanzjarju tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati dwar kwistjoni dejjem iżjed kumplessa;

I.

billi d-differenza bejn il-pensjonijiet għandha t-tendenza li taggrava s-sitwazzjoni tan-nisa fir-rigward tal-vulnerabbiltà ekonomika u tħallilhom esposti għall-esklużjoni soċjali, il-faqar u d-dipendenza ekonomika permanenti, b'mod partikolari mill-konjuġi jew membri oħra tal-familja tagħhom; billi d-differenza bejn il-pagi u l-pensjonijiet hija saħansitra aktar qawwija għan-nisa b'diversi żvantaġġi jew li jagħmlu parti minn minoranzi razzjali, etniċi, reliġjużi u lingwistiċi, peress li dawn spiss ikunu f'impjiegi li jeħtieġu inqas ħiliet b'inqas responsabbiltà;

J.

billi l-pensjonijiet marbuta ma' dritt individwali u mhux derivat jistgħu jgħinu biex jiggarantixxu l-indipendenza ekonomika ta' kulħadd, inaqqsu d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni fix-xogħol formali, u jnaqqsu l-istereotipi bbażati fuq il-ġeneru;

K.

billi, minħabba l-istennija ta' għomor itwal tagħhom, bħala medja n-nisa aktarx ikollhom ħtiġijiet ta' dħul ogħla mill-irġiel matul il-perjodu kollu wara li jirtiraw; billi tali dħul addizzjonali jistgħu jkunu disponibbli lilhom minn mekkaniżmi ta' pensjonijiet tas-superstiti;

L.

billi n-nuqqas ta' data kumparabbli, kompluta, affidabbli u aġġornata regolarment li tippermetti l-evalwazzjoni tal-entità tad-differenza bejn il-pensjonijiet u l-piż tal-fatturi li jikkontribwixxu għal dan jitfgħu ċerta inċertezza fuq il-mezzi l-aktar effiċjenti li għandhom jiġu implimentati għall-ġlieda kontra din id-differenza;

M.

billi din id-differenza hija ikbar għall-kategorija tal-etajiet bejn il-65 u l-74 sena (aktar minn 40 %) meta mqabbla mal-medja li għandhom aktar minn 65 sena, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasferimenti tad-drittijiet, bħal dawk marbuta mal-irmulija, li jeżistu f'ċerti Stati Membri;

N.

billi t-tnaqqis u l-iffriżar tal-pensjonijiet iżidu r-riskju ta' faqar fix-xjuħija, b'mod partikolari fost in-nisa; billi l-perċentwal ta' nisa anzjani f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali kien ta' 20,2 % fl-2014, meta mqabbel ma' 14,6 % tal-irġiel, u sal-2050 il-proporzjon tal-persuni li għandhom iktar minn 75 sena f'riskju ta' faqar jista' jiżdied sa 30 % fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri;

O.

billi l-persuni 'l fuq minn 65 sena għandhom dħul li jilħaq madwar 94 % tal-medja tal-popolazzjoni kollha kemm hi; billi, madankollu, madwar 22 % tan-nisa 'l fuq minn 65 sena jgħixu taħt is-soll ta' riskju tal-faqar;

P.

billi l-medja tad-differenza bejn il-pensjonijiet fl-UE kollha fl-2014 kienet taħbi disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri; billi, bħala paragun, l-inqas differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel hija ta' 3,7 % u l-ogħla hija ta' 48,8 %, filwaqt li d-differenza taqbeż it-30 % f'14-il Stat Membru;

Q.

billi l-perċentwal tal-popolazzjoni li tirċievi pensjoni tvarja ħafna bejn l-Istati Membri, u fl-2013 kien 15,1 % f'Ċipru u 31,8 % fil-Litwanja, filwaqt li l-maġġoranza tal-benefiċjarji tal-pensjonijiet fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE fl-2013 kienu nisa;

R.

billi d-differenza bejn il-pagi, ibbażata fuq realtà li tolqot diversi fatturi, hija xhieda tal-iżbilanċi bejn is-sitwazzjoni tal-irġiel u tan-nisa fir-rigward tal-karrieri professjonali u l-ħajja familjari tagħhom, kif ukoll l-opportunitajiet li jagħmlu kontribuzzjonijiet għall-pensjonijiet, il-pożizzjoni fl-istruttura tal-familja u l-mod kif jiġi kkalkolat id-dħul għall-finijiet ta' pensjoni; billi tirrifletti wkoll is-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-ogħla proporzjon ta' nisa li jaħdmu part-time, b'pagi fis-siegħa aktar baxxi, b'interruzzjonijiet fil-karriera u b'anqas snin fl-impjieg minħabba x-xogħol mhux imħallas imwettaq min-nisa bħala ommijiet u bħala l-indokraturi fil-familji tagħhom; billi, għalhekk, id-differenza bejn il-pensjonijiet jenħtieġ li titqies bħala indikatur ewlieni tal-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol, aktar u aktar minħabba li l-livell attwali tad-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel hija qrib ħafna d-differenza fil-qligħ totali (39,7 % fl-2015);

S.

billi l-portata sħiħa tad-differenza bejn il-pensjonijiet, li hija l-prodott tal-iżbilanċi u l-inugwaljanzi kollha bejn in-nisa u l-irġiel – f'termini, pereżempju, ta' aċċess tul il-ħajja għas-setgħa u r-riżorsi finanzjarji – li jiżviluppaw matul il-ħajja tax-xogħol tan-nies u huma riflessi fl-ewwel u fit-tieni pilastri tal-pensjonijiet, tista' tkun moħbija minn mekkaniżmi korrettivi;

T.

billi d-differenza bejn il-pensjonijiet, meta tiġi eżaminata fi kwalunkwe mument speċifiku, hija riflessjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq soċjali u tax-xogħol fuq perjodu li jmur lura diversi deċennji; billi dawk il-kundizzjonijiet huma soġġetti, kultant, għal bidliet kbar li jkollhom effett indirett fuq il-ħtiġijiet ta' diversi ġenerazzjonijiet ta' pensjonanti nisa;

U.

billi d-differenza bejn il-pensjonijiet tvarja minn pensjonanta mara għal oħra skont l-istatus personali, soċjali, taż-żwieġ u/jew tal-familja; billi, fid-dawl ta' dan, approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” mhux bilfors jipproduċi l-aħjar riżultati;

V.

billi l-familji b'ġenitur wieħed huma partikolarment vulnerabbli peress li jirrappreżentaw 10 % tal-familji kollha li għandhom tfal dipendenti, u 50 % minnhom huma f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali, jiġifieri d-doppju tar-rata għall-popolazzjoni kollha kemm hi; billi hemm korrelazzjoni pożittiva bejn id-differenza bejn il-pensjonijiet u n-numru ta' tfal imrobbija, u billi d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel tan-nisa miżżewġin u tal-ommijiet hija ferm akbar minn dik tan-nisa waħedhom mingħajr tfal; billi, fid-dawl ta' dan, l-inugwaljanzi mġarrba mill-ommijiet, speċjalment l-ommijiet waħedhom, x'aktarx li jaggravaw meta jirtiraw;

W.

billi t-tqala u l-leave tal-ġenituri għandhom it-tendenza li jimbotta lill-ommijiet – li jirrappreżentaw 79,76 % tal-persuni li jnaqqsu l-ħin tax-xogħol tagħhom sabiex jieħdu ħsieb it-tfal ta' anqas minn tmien snin – lejn impjiegi b'paga baxxa jew part-time jew interruzzjonijiet fil-karriera mhux mixtieqa biex jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom; billi l-leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri huwa strument meħtieġ u vitali għall-kondiviżjoni aħjar tal-kompiti relatati mal-kura, it-titjib tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-minimizzazzjoni tal-interruzzjonijiet fil-karriera tan-nisa;

X.

billi l-livell tal-pagi u għalhekk l-intitolamenti tal-pensjoni tal-missirijiet mhumiex affettwati, jew jistgħu saħansitra jiġu affettwati b'mod pożittiv, mill-għadd ta' tfal tagħhom;

Y.

billi r-rata tal-qgħad fost in-nisa hija sottovalutata, minħabba l-fatt li ħafna nisa mhumiex irreġistrati bħala qiegħda, partikolarment dawk li jgħixu f'żoni rurali jew remoti, li ħafna minnhom jiddedikaw ruħhom esklussivament ukoll għall-kompiti domestiċi u l-kura tat-tfal; billi dan joħloq disparitajiet fil-pensjonijiet tagħhom;

Z.

billi l-arranġamenti tradizzjonali tal-ħin tax-xogħol jagħmluha diffiċli għal koppji fejn iż-żewġ ġenituri jkunu jixtiequ jaħdmu full-time li jsibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

AA.

billi l-krediti tal-pensjoni għall-irġiel u n-nisa bħala forma ta' allokazzjoni għall-indukrar tat-tfal jew il-membri tal-familja jistgħu jgħinu biex jiżguraw li l-interruzzjonijiet fil-karriera għal raġunijiet ta' indukrar ma jkollhomx impatt negattiv fuq il-pensjonijiet, u huwa rrakkomandat li tali skemi jiġu estiżi jew miżjuda fl-Istati Membri kollha;

AB.

billi l-krediti tal-pensjoni li japplikaw għal forom differenti ta' xogħol jistgħu jgħinu lill-ħaddiema kollha jiksbu dħul mill-pensjoni;

AC.

billi, minkejja li saru xi sforzi biex din is-sitwazzjoni titranġa, ir-rata ta' inseriment tan-nisa fis-suq tax-xogħol għadha taħt l-objettivi tal-Istrateġija Ewropea 2020, u għadha ferm iktar baxxa minn dik fost l-irġiel; billi l-parteċipazzjoni tiżdied tan-nisa fis-suq tax-xogħol tikkontribwixxi għall-isforzi biex titnaqqas id-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel fl-UE, minħabba li hemm rabta diretta bejn il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-livell tal-pensjonijiet; billi, madankollu, ir-rata tal-impjieg ma fiha ebda informazzjoni dwar id-durata jew it-tip ta' impjieg u għalhekk hija limitata f'dak li tista' tgħidilna dwar il-livelli tal-pagi u tal-pensjonijiet;

AD.

billi l-għadd ta' snin maħduma għandu impatt dirett fuq id-dħul mill-pensjoni; billi l-karrieri tan-nisa, bħala medja, huma aktar minn għaxar snin iqsar minn dawk tal-irġiel, u billi d-differenza bejn il-pensjonijiet hija darbtejn akbar għan-nisa li ħadmu għal anqas minn 14-il sena (64 %) minn dawk li ħadmu għal perjodu itwal (32 %);

AE.

billi huwa aktar probabbli li n-nisa jieħdu interruzzjonijiet fil-karriera mill-irġiel, jieħdu forom mhux standard ta' impjieg, jaħdmu part-time (32 % tan-nisa meta mqabbla ma' 8,2 % tal-irġiel) jew mingħajr ħlas, speċjalment meta jipprovdu l-kura għat-tfal u l-qraba u jkunu kważi unikament responsabbli mill-kura u x-xogħol tad-dar minħabba l-inugwaljanzi persistenti bejn in-nisa u l-irġiel, u dan huwa kollu ta' detriment għall-pensjonijiet tagħhom;

AF.

billi l-investiment fl-iskejjel, fl-edukazzjoni ta' qabel l-iskola, fl-universitajiet u fil-kura tal-anzjani jistgħu jgħinu biex jinħoloq bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jista' jirriżulta fit-tul mhux biss fil-ħolqien tal-impjiegi, iżda anke fil-fatt li n-nisa jiksbu impjieg ta' kwalità għolja u jkunu jistgħu jibqgħu fis-suq tax-xogħol għal żmien itwal, li fuq perjodu twil ta' żmien ikollu effett pożittiv fuq il-pensjonijiet tagħhom;

AG.

billi l-kura informali hija pilastru fundamentali tas-soċjetà tagħna u fil-biċċa l-kbira issir min-nisa, u dan l-iżbilanċ huwa rifless fid-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel; billi dan it-tip ta' xogħol inviżibbli mhuwiex rikonoxxut biżżejjed, b’mod partikolari meta jiġu kkunsidrati d-drittijiet tal-pensjoni;

AH.

billi għad hemm differenza kbira bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel fl-UE; billi dik id-differenza, li kienet ta' 16,3 % fl-2014, hija kkawżata b'mod partikolari mid-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni li jirriżultaw fis-sovrarappreżentanza tan-nisa f'setturi fejn il-paga hija aktar baxxa minn dik f'setturi ddominati prinċipalment mill-irġiel; billi fatturi oħra, bħall-interruzzjonijiet fil-karriera jew il-bidu ta' xogħol part-time involontarju biex jinstab bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-familja, l-istereotipi, is-sottovalutar tax-xogħol tan-nisa, u d-differenzi fil-livelli tal-edukazzjoni u l-esperjenza professjonali jikkontribwixxu wkoll għad-differenza bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel;

AI.

billi l-objettiv tal-UE li tinkiseb protezzjoni soċjali adegwata huwa minqux fl-Artikolu 151 tat-TFUE; billi, għalhekk, l-UE għandha tappoġġja l-Istati Membri billi tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif ittejjeb il-protezzjoni għall-persuni anzjani li għandhom dritt għal pensjoni fid-dawl tal-età jew is-sitwazzjoni personali tagħhom;

AJ.

billi t-tisħiħ tar-rabta bejn il-kontribuzzjoni u r-remunerazzjoni, li jmur pari passu maż-żieda tat-tieni u tat-tielet pilastru fl-organizzazzjoni tal-iskemi tal-irtirar għandu tendenza li jittrasferixxi r-riskji tal-fatturi relatati speċifikament mal-ġeneri fid-differenza bejn il-pensjonijiet lill-atturi privati;

AK.

billi ma twettqet l-ebda valutazzjoni ex ante jew ex post tal-impatt fir-rigward tal-ġeneru għar-riformi fis-sistemi tal-pensjoni stabbiliti fil-white paper tal-Kummissjoni dwar il-pensjonijiet tal-2012;

AL.

billi l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà unika għall-organizzazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u s-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi; billi l-UE għandha primarjament kompetenza ta' appoġġ fil-qasam tal-iskemi tal-pensjonijiet, b'mod partikolari skont l-Artikolu 153 tat-TFUE;

Rimarki ġenerali

1.

Jitlob lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri fit-tfassil ta' strateġija biex tiġi eliminata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel fl-Unjoni Ewropea u tgħinhom jistabbilixxu linji gwida f'dan ir-rigward;

2.

Jendorsja u jappoġġja l-appell tal-Kunsill għal inizjattiva ġdida tal-Kummissjoni li tistabbilixxi strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għall-2016-2020, biex din tieħu l-forma ta' komunikazzjoni bħalma kien il-każ bi strateġiji preċedenti, u biex l-impenn strateġiku tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi jkun imtejjeb, billi jintrabat mill-qrib mal-istrateġija Ewropa 2020;

3.

Jemmen li din l-istrateġija għandha tfittex mhux biss li tindirizza fil-livell tal-Istati Membri l-impatt tad-differenza bejn il-pensjonijiet, b'mod partikolari fuq l-aktar gruppi vulnerabbli, iżda anke li tevita li dan jerġa' jseħħ fil-futur billi jiġu miġġielda l-kawżi tiegħu, bħalma huma l-inugwaljanzi fil-pożizzjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol f'termini ta' paga, avvanz fil-karriera u opportunitajiet ta' xogħol full-time, kif ukoll is-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, id-djalogu intergovernattiv u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri;

4.

Jenfasizza li approċċ multidimensjonali, b'taħlita ta' azzjonijiet fil-qafas ta' politiki differenti li jkollhom l-għan li jtejbu l-ugwaljanza bejn is-sessi, huwa meħtieġ sabiex jagħmel suċċess mill-istrateġija, li jeħtieġ tħaddan approċċ tul il-ħajja għall-pensjonijiet, billi tqis il-ħajja tax-xogħol kollha tal-persuna, kif ukoll billi tindirizza l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa f'termini ta' livell ta' impjieg, karrieri, u possibilitajiet ta' ħlas ta' kontribuzzjonijiet tal-pensjoni, kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-mod li bih huma organizzati s-sistemi pensjonistiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2015 bit-titlu “Opportunitajiet ugwali ta' dħul għan-nisa u l-irġiel: intemmu d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u l-irġiel”;

5.

Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol importanti li jaqdu s-sħab soċjali fid-diskussjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-paga minima filwaqt li jiġi rrispett il-prinċipju ta' sussidjarjetà; jenfasizza r-rwol importanti tat-trade unions u tal-arranġamenti ta' negozjar kollettivi biex jiġi żgurat li l-persuni ta' età akbar ikollhom aċċess għal pensjonijiet pubbliċi f'konformità mal-prinċipju tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza kemm hu importanti li jitqiesu kif xieraq is-sħab soċjali meta jkunu qed jittieħdu deċiżjonijiet politiċi li jbiddlu aspetti ġuridiċi sinifikanti tal-kundizzjonijiet tal-eliġibilità għall-intitolament għall-pensjonijiet; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex, b'kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-organizzazzjonijiet favur l-ugwaljanza bejn is-sessi, jistabbilixxu u jimplimentaw politiki li jeliminaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa; jirrakkomanda li l-Istati Membri jikkunsidraw li jwettqu l-immappjar tal-pagi fuq bażi regolari biex jikkomplementaw dawn l-isforzi;

6.

Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri rispettużi u li jipprevjenu l-faqar għall-ħaddiema li s-saħħa tagħhom ma tippermettilhomx li jaħdmu sal-età legali tal-irtirar; jemmen li l-arranġamenti ta' rtirar bikri għandhom jibqgħu fis-seħħ għall-ħaddiema esposti għal kundizzjonijiet tax-xogħol iebsa ħafna jew perikolużi; iqis li żieda fir-rati tal-impjieg permezz ta' impjiegi ta' kwalità tista' tgħin biex titnaqqas konsiderevolment iż-żieda futura ta' persuni li ma jkunux jistgħu jaħdmu sal-età legali tal-irtirar u, b'hekk, tgħin biex jittaffa l-piż finanzjarju tat-tixjiħ;

7.

Jinsab profondament imħasseb minħabba l-impatt li r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs) xprunati mill-awsterità għandhom fuq l-iskemi tal-pensjoni u fuq is-sostenibilità tagħhom u fuq l-aċċess għall-pensjonijiet ibbażati fuq il-kontribuzzjonijiet f'għadd dejjem jikber ta' Stati Membri, u minħabba l-effetti negattivi tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż fuq il-livelli ta' dħul u fuq it-trasferimenti soċjali meħtieġa biex jinqerdu l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

8.

Jenfasizza li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jeħtieġ jiġi applikat b'mod strett anke fil-qasam tal-pensjonijiet;

Valutazzjoni u sensibilizzazzjoni għal azzjoni aktar effikaċi biex tiġi indirizzata d-differenza bejn il-pensjonijiet

9.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jkomplu jinvestigaw id-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel u jaħdmu flimkien mal-Eurostat u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) fl-iżvilupp ta' indikaturi formali u affidabbli tad-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel, kif ukoll l-identifikazzjoni tal-fatturi differenti warajha, sabiex iwettqu monitoraġġ tagħha u jistabbilixxu miri ta' tnaqqis ċari, u jistedinhom jirrapportaw lill-Parlament Ewropew; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-Eurostat, fuq bażi annwali, statistika dwar id-differenza bejn il-pagi u bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel, sabiex ikunu jistgħu jiġu vvalutati l-iżviluppi fl-UE kollha u l-mezzi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni dettaljata tal-impatt fuq l-aktar gruppi vulnerabbli, u b'mod partikolari fuq in-nisa, tar-rakkomandazzjonijiet tal-White Paper tal-2012 dwar il-Pensjonijiet, li għandha l-għan li tiġġieled il-kawżi tad-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel, kif ukoll tistabbilixxi indikatur formali tad-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel u twettaq monitoraġġ sistematiku; jitlob li jkun hemm evalwazzjoni adegwata tar-rakkomandazzjonijiet jew il-miżuri meħuda s'issa u monitoraġġ tal-impatt tagħhom fir-rigward tas-sessi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp ta' statistika diżaggregata skont is-sess u riċerka bil-ħsieb li jitjiebu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-effetti tar-riforma tal-pensjonijiet fuq il-prosperità u l-benessri tan-nisa;

11.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu azzjoni biex tintemm id-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel permezz tal-politiki soċjali tagħhom, iqajmu kuxjenza fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f'dan il-qasam, u jiżviluppaw programmi li joffru lin-nisa aktar informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet li din id-differenza għandha għalihom, kif ukoll joffrulhom l-għodod li jeħtieġu sabiex jippjanaw strateġiji ta' finanzjament tal-pensjoni li jkunu sostenibbli u mfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa, kif ukoll dwar l-aċċess tan-nisa għall-pensjonijiet tat-tieni u t-tielet pilastru, partikolarment f'setturi prevalentement femminili fejn l-adeżjoni tista' tkun baxxa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jestendu u jqajmu aktar kuxjenza fost il-pubbliku rigward l-ugwaljanza fil-pagi u d-differenza bejn il-pensjonijiet, kif ukoll id-diskriminazzjoni diretta u indiretta fil-konfront tan-nisa fil-post tax-xogħol;

12.

Itenni l-ħtieġa ta' definizzjonijiet armonizzati sabiex jiġi ffaċilitat it-tqabbil fil-livell tal-UE ta' termini bħal “differenza bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel” u “differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel”;

13.

Jistieden lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippromwovu studji dwar l-effetti tad-differenza bejn in-nisa u l-irġiel fuq il-pensjonijiet u l-indipendenza finanzjarja tan-nisa, fid-dawl ta' kwistjonijiet bħat-tixjiħ tal-popolazzjoni, id-differenzi bejn is-sessi fil-kundizzjonijiet tas-saħħa u l-istennija tal-għomor, kif l-istrutturi tal-familja nbidlu u l-għadd ta' djar okkupati minn persuna waħda żdied, u d-differenzi fis-sitwazzjonijiet personali tan-nisa; jistedinhom ukoll ifasslu strateġiji fattibbli biex tintemm id-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel;

It-tnaqqis tal-inugwaljanzi fir-rigward tal-kapaċitajiet kontributorji

14.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-diskriminazzjoni diretta u indiretta bejn is-sessi tiġi implimentata kif suppost u jkun hemm monitoraġġ sistematiku tal-progress tagħha, u li jinfetħu proċeduri ta' ksur f'każ ta' nonkonformità, u possibbilment jirreveduha sabiex ikun żgurat li l-irġiel u n-nisa jkollhom l-istess kapaċità li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni;

15.

Jikkundanna d-disparità fil-pagi bejn is-sessi u l-komponent “inspjegabbli” tiegħu li jirriżulta mid-diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol, u jtenni t-talba tiegħu biex id-Direttiva 2006/54/KE, li ġiet trasposta b'mod ċar u suffiċjenti f'żewġ Stati Membri biss, tiġi riveduta biex jiġi żgurat trattament aktar ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u pagi, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, li ilu ggarantit mit-Trattat sa mill-fondazzjoni tal-KEE;

16.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u ugwaljanza fis-suq tax-xogħol u fl-aċċess għall-impjieg, u, b'mod partikolari, jadottaw miżuri ta' protezzjoni soċjali biex jiżguraw li l-intitolamenti tan-nisa għal paga u għal benefiċċji, inklużi l-pensjonijiet, ikunu konformi mal-prinċipju ta' pagi ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri xierqa biex irażżnu l-vjolazzjonijiet tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali għan-nisa u għall-irġiel;

17.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lil min iħaddem u lit-trade unions ifasslu u jimplimentaw għodod ta' evalwazzjoni prattiċi u speċifiċi tax-xogħol biex jiddeterminaw ix-xogħol ta' valur ugwali u b'hekk jiżguraw li l-irġiel u n-nisa jirċievu paga ugwali u għaldaqstant, fil-futur, pensjonijiet ugwali; iħeġġeġ lill-impriżi jwettqu verifiki annwali dwar l-ugwaljanza fil-pagi, jippubblikaw id-data bl-akbar trasparenza, u jnaqqsu d-differenza bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw is-segregazzjoni orizzontali u vertikali fis-suq tax-xogħol billi jeliminaw l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni bejn is-sessi fl-impjiegi u jħeġġu, b'mod partikolari permezz tal-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fost il-bniet u n-nisa, l-istudju, l-impjieg u l-karrieri f'setturi innovattivi ta' tkabbir li fil-preżent huma ddominati mill-irġiel minħabba l-persistenza tal-istereotipi;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joffru lin-nisa aktar inċentivi biex jaħdmu aktar fit-tul u b'inqas interruzzjonijiet, sabiex jiżdied il-livell ta' indipendenza ekonomika tagħhom illum u fil-futur;

20.

Jirrimarka l-importanza, f'kuntest fejn il-piż tar-responsabbiltà għall-pensjonijiet qiegħed jiċċaqlaq minn fuq is-sistemi pensjonistiċi tal-Istat għal skemi ta' finanzjament personali, li jiġi żgurat li l-aċċess għas-servizzi finanzjarji skont id-Direttiva 2004/113/KE ma jkunx diskriminatorju u jkun ibbażat fuq kriterji attwarji “unisex”; jinnota li l-applikazzjoni tar-regola “unisex” tgħin biex titnaqqas id-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu t-trasparenza, l-aċċess għall-informazzjoni u ċ-ċertezza għall-membri u l-benefiċjarji tal-iskemi pensjonistiċi okkupazzjonali, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tal-UE ta' nondiskriminazzjoni u ugwaljanza bejn is-sessi;

21.

Jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għamlitha ċara li l-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali għandhom jitqiesu bħala paga u li għalhekk il-prinċipju ta' trattament ugwali japplika għal dawn l-iskemi wkoll;

22.

Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lin-nisa, li sikwit ma jkunux akkwistaw drittijiet pensjonistiċi u għalhekk ikunu nieqsa mill-indipendenza ekonomika, b'mod speċjali f'każ ta' divorzju;

It-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa f'dak li għandu x'jaqsam mal-karriera

23.

Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni wieġbet għas-sejħa tiegħu biex ittejjeb ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u privata, permezz ta' proposti mhux leġiżlattivi u proposta leġiżlattiva li toħloq diversi tipi ta' leave bil-għan li jiġu indirizzati l-isfidi tas-seklu 21; jenfasizza li l-proposti magħmula mill-Kummissjoni huma bażi tajba biex jiġu ssodisfati l-aspettativi taċ-ċittadini Ewropej; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha biex iwettqu dan il-pakkett kemm jista' jkun malajr;

24.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet għall-maternità sabiex in-nisa ma jsofrux żvantaġġi f'termini ta' pensjonijiet għax ikunu saru ommijiet matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom;

25.

Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li l-impjegati jingħataw il-possibbiltà li jinnegozjaw arranġamenti flessibbli volontarji f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħinijiet tax-xogħol, inklużi metodi aġevolati ta' ħidma (“smart working”), f'konformità mal-prattika nazzjonali u indipendentement mill-età tat-tfal jew is-sitwazzjoni familjari, u b'hekk jippermettu lin-nisa u l-irġiel jilħqu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b'tali mod li ma jkollhomx jagħżlu bejn waħda u oħra meta jassumu responsabbiltajiet ta' kura;

26.

Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-leave tal-persuni li jindukraw fid-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw, u jfakkar l-appell tiegħu għal remunerazzjoni u protezzjoni soċjali adegwati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu, abbażi ta' kondiviżjoni tal-aħjar prattika, u għall-benefiċċju sew tan-nisa kif ukoll tal-irġiel, “care credits” li jpattu għal interruzzjonijiet mill-impjieg biex tingħata kura informali lil membri tal-familja u għal perjodi ta' kura formali, bħal leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri, u li jgħoddu b'mod ġust dawn il-krediti mad-drittijiet tal-pensjoni; iqis li dawn il-krediti għandhom jingħataw għal perjodu qasir u stabbilit, sabiex ma jkunx hemm stereotipi u inugwaljanzi ulterjuri;

27.

Jitlob lill-Istati Membri jfasslu strateġiji biex jirrikonoxxu l-importanza tal-kura informali mwettqa għal membri tal-familja u persuni dipendenti oħra, u t-tqassim ġust tagħhom bejn in-nisa u l-irġiel, li n-nuqqas tiegħu jista' jkun kawża ta' interruzzjonijiet fil-karrieri u xogħol prekarju fost in-nisa u b'hekk jipperikola d-drittijiet pensjonistiċi tagħhom; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jingħataw inċentivi għall-irġiel biex jagħmlu użu mil-leave tal-ġenituri u tal-paternità;

28.

Jistieden lill-Istati Membri jippermettu t-trasferiment lura tal-impjegati għal arranġament komparabbli ta' xogħol wara l-leave tal-maternità jew il-leave tal-ġenituri;

29.

Jirrimarka li ma jistax jintlaħaq bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-irġiel u n-nisa jekk ma jkunx hemm faċilitajiet lokali ta' kwalità għolja, affordabbli u aċċessibbli, għall-kura għat-tfal, l-anzjani u l-persuni dipendenti u mingħajr ma jitħeġġeġ it-tqassim ugwali tar-responsabbiltajiet, l-ispejjeż u l-kura; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-investiment fis-servizzi għat-tfal, jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm faċilitajiet għall-kura tat-tfal fiż-żoni rurali kollha, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri, inkluż permezz tal-għoti ta' fondi disponibbli mill-UE, fil-ħolqien ta' faċilitajiet bħal dawn f'forma li tkun aċċessibbli għal kulħadd; jistieden lill-Istati Membri biex mhux biss jilħqu l-miri ta' Barċellona malajr kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard mill-2020, iżda jiddefinixxu wkoll miri simili għal servizzi ta' kura fit-tul, u fl-istess ħin joffru lill-familji li jippreferu mudell ta' kura ta' tfal differenti l-libertà li jagħżlu; jifraħ lil dawk l-Istati Membri li diġà laħqu ż-żewġ settijiet ta' miri;

L-impatt tas-sistemi pensjonistiċi fuq id-differenza bejn il-pensjonijiet

30.

Jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw, abbażi ta' data preċiża u komparabbli, l-impatt li s-sistemi pensjonistiċi tagħhom qed ikollhom fuq id-differenza bejn il-pensjonijiet u l-fatturi li jikkawżawha, sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u tinħoloq trasparenza fis-sistemi pensjonistiċi tal-Istati Membri;

31.

Jenfasizza li s-sostenibbiltà tas-sistemi pensjonistiċi għandha tqis l-isfidi tal-bidliet demografiċi, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, ir-rata tat-twelid, u l-proporzjon bejn il-persuni f'impjieg bi qligħ u dawk fl-età tal-pensjoni; ifakkar li s-sitwazzjoni ta' dawn tal-aħħar tiddependi ħafna fuq l-għadd ta' snin li matulhom ikunu ħadmu u ħallsu kontribuzzjonijiet;

32.

Jistieden lill-Istati Membri jwettqu b'urġenza l-bidliet strutturali meħtieġa fis-sistemi pensjonistiċi, sabiex tiġi żgurata sigurtà soċjali sostenibbli fid-dawl taż-żieda fl-istennija tal-għomor fl-UE;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistudjaw f'aktar dettall kif id-differenza bejn il-pensjonijiet tista' tintlaqat minn bidla minn pensjonijiet statutorji tal-Istat għal arranġamenti aktar flessibbli fi skemi okkupazzjonali u privati għall-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni, kemm fir-rigward tal-kalkolu tat-tul tal-kontribuzzjoni għas-sistema pensjonistika kif ukoll fir-rigward tal-progressività tal-irtirar;

34.

Iwissi dwar ir-riskji għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel irrappreżentati miċ-ċaqliqa mill-pensjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-pensjonijiet iffinanzjati personalment, peress li l-pensjonijiet personali huma bbażati fuq kontribuzzjonijiet individwali u ma jikkumpensawx għaż-żminijiet imqatta' fl-indukrar tat-tfal u ta' qraba dipendenti oħra, jew għall-perjodi ta' qgħad, leave minħabba mard, jew diżabilità; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li r-riformi tas-sistemi tal-pensjonijiet li jorbtu l-benefiċċji soċjali mat-tkabbir, u mal-istat tas-swieq tax-xogħol u dawk finanzjarji, jiffokaw biss fuq aspetti makroekonomiċi u jinjoraw l-għan soċjali tal-pensjonijiet;

35.

Jistieden lill-Istati Membri jneħħu l-elementi tas-sistemi pensjonistiċi tagħhom, u tar-riformi implimentati, li jżidu mal-iżbilanċi fil-pensjonijiet (speċjalment l-iżbilanċi bejn is-sessi bħalma hija d-differenza eżistenti bejn il-pensjonijiet), filwaqt li jitqies l-impatt fuq is-sessi tar-riformi tal-pensjonijiet futuri, kif ukoll jimplimentaw miżuri biex tinqered din id-diskriminazzjoni; jenfasizza li kwalunkwe bidla fil-politika relatata mal-pensjonijiet għandha titkejjel mal-impatt tagħha fuq id-differenza bejn in-nisa u l-irġiel, b'analiżi speċifika li tqabbel l-impatt tal-bidliet proposti fuq in-nisa u l-irġiel, u li dan għandu jkun karatteristika tal-proċessi ta' ppjanar, tfassil, implimentazzjoni u evalwazzjoni tal-politika pubblika;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ il-kondiviżjoni tal-aħjar prattika sabiex jiġu identifikati kemm il-mekkaniżmi korrettivi l-aktar effikaċi kif ukoll dawk li jistgħu jiġġieldu l-fatturi li jikkontribwixxu għad-differenza bejn il-pensjonijiet;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu tariffi tal-ħajja “unisex” fl-iskemi tal-pensjonijiet u l-“care credits”, kif ukoll il-benefiċċji derivati, sabiex in-nisa jkunu jistgħu jirċievu l-istess ħlasijiet ta' pensjoni għal kontribuzzjonijiet ugwali, anke jekk mistennija jgħixu aktar mill-irġiel, u jiżguraw li l-istennija tal-għomor tan-nisa ma titqajjimx bħala skuża għal diskriminazzjoni, b'mod partikolari fil-kalkolu tal-pensjonijiet;

38.

Jappella għal rieżami tal-inċentivi kollha disponibbli taħt is-sistemi tat-tassazzjoni u tal-pensjonijiet u tal-impatt tagħhom fuq id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi, b'enfasi partikolari fuq familji mmexxija minn ommijiet waħedhom; jappella wkoll għat-tneħħija ta' inċentivi kontroproduttivi u l-individwalizzazzjoni tal-intitolamenti;

39.

Jenfasizza r-rwol importanti li għandhom il-pensjonijiet tas-superstiti fil-ħarsien u s-salvagwardja ta' ħafna anzjani nisa mir-riskju akbar ta' faqar u esklużjoni soċjali li jħabbtu wiċċhom magħhom meta mqabbel mal-anzjani rġiel; jistieden lill-Istati Membri jirriformaw, jekk ikun meħtieġ, is-sistemi tagħhom għall-pensjonijiet tas-superstiti u l-pensjonijiet tar-romol sabiex in-nisa mhux miżżewġa ma jkunux penalizzati; jistieden lill-Istati Membri biex, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jistudjaw l-effetti ta' sistemi differenti li jipprovdu pensjonijiet tas-superstiti fid-dawl tar-rati għolja ta' divorzju, l-inċidenza ta' faqar fost il-koppji mhux miżżewġin u l-esklużjoni soċjali tal-anzjani nisa, u jikkunsidraw li jipprevedu strumenti legali li jiżguraw drittijiet pensjonistiċi kondiviżi f'każ ta' divorzju;

40.

Jenfasizza l-fatt li kulħadd għandu d-dritt għal pensjoni pubblika aċċessibbli universalment, u jfakkar li l-Artikolu 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni jirrikonoxxi d-dritt tal-persuni anzjani għal ħajja deċenti u indipendenti, u li l-Artikolu 34 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għal aċċess għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u għas-servizzi soċjali li jiggarantixxu protezzjoni f'każijiet bħall-maternità, il-mard, l-inċidenti fil-post tax-xogħol, id-dipendenza jew ix-xjuħija, kif ukoll f'każ ta' telf ta' impjieg; jenfasizza l-importanza tas-sistemi tas-sigurtà soċjali pubbliċi ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet bħala element importanti għal pensjoni adegwata;

41.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jkollhom iċ-ċans jilħqu l-perjodi kontributorji kollha, u jiżguraw ukoll li kulħadd ikollu d-dritt għal pensjoni, bil-ħsieb li titneħħa d-differenza fil-pensjonijiet permezz tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bejn is-sessi fl-impjiegi, jiġu aġġustati l-edukazzjoni u l-ippjanar tal-karriera, jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jissaħħaħ l-investiment fil-kura tat-tfal u l-anzjani; iqis bħala rilevanti wkoll l-introduzzjoni ta' regolamenti sodi dwar is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol li jqisu r-riskji okkupazzjonali kif ukoll psikosoċjali skont is-sessi, l-investiment fis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi li jistgħu jiggwidaw nisa ta' kull età li jkunu qed ifittxu impjieg, u l-introduzzjoni ta' regoli flessibbli għat-tranżizzjoni mix-xogħol għall-pensjoni;

42.

Jinnota li fil-Kumment Ġenerali tiegħu Nru 16 (2005) dwar id-dritt ugwali tal-irġiel u tan-nisa għat-tgawdija tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali kollha, il-Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tan-NU stabbilixxa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3 b'rabta mal-Artikolu 9 tal-ICESCR, inkluż ir-rekwiżit li l-età tal-irtirar obbligatorja tkun l-istess kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa u li jiġi żgurat li n-nisa jibbenefikaw bl-istess mod fil-qafas tal-iskemi pensjonistiċi pubbliċi u privati;

o

o o

43.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  11 ta' Awwissu 2005, E/C.12/2005/4.

(2)  4 ta' Frar 2008, E/C.12/GC/19.

(3)  XX-3/def/GRC/4/1/EN,

(4)  ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24.

(5)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(6)  ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.

(7)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(8)  ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 9.

(9)  ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 60.

(10)  ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 75.

(11)  ĠU C 36, 29.1.2016, p. 6.

(12)  ĠU C 316, 30.8.2016, p. 2.

(13)  ĠU C 407, 4.11.2016, p. 2.

(14)  Testi adottati, P8_TA(2015)0351.

(15)  Testi adottati, P8_TA(2016)0338.


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/71


P8_TA(2017)0261

Rapport tal-2016 dwar is-Serbja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar is-Serbja (2016/2311(INI))

(2018/C 331/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/213/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet, u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mas-Serbja u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/56/KE (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni tas-Serbja għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea (SEC(2011)1208), id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-2 ta' Marzu 2012 biex jingħata status ta' kandidat lis-Serbja u d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-27-28 ta' Ġunju 2013 biex jinfetħu n-negozjati mas-Serbja,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza fir-rigward tal-Kosovo, u r-riżoluzzjoni 64/298 tad-9 ta' Settembru 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqgħet id-disponibbiltà tal-UE li taġevola d-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet adottati fil-ħames laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Serbja tat-22-23 ta' Settembru 2016,

wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Politika għall-Impriża u l-Industrija adottat fis-7 ta' Ottubru 2016 mill-Kumitat Konsultattiv Konġunt tas-Soċjetà Ċivili UE-Serbja,

wara li kkunsidra r-rapport finali relatat mal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali limitata tal-OSKE/ODHIR dwar l-elezzjonijiet parlamentari bikrin fis-Serbja tad-29 ta' Lulju 2016,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar is-Serbja tad-9 ta' Novembru 2016 (SWD(2016)0361),

wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Programm ta' Riforma Ekonomika tas-Serbja (2016-2018) (SWD(2016)0137),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija tas-26 ta' Mejju 2016 (9500/2016),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tat-13 ta' Diċembru 2016,

wara li kkunsidra t-tielet laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni UE-Serbja li saret fit-13 ta' Diċembru 2016,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar ir-Rapport tal-2015 dwar is-Serbja (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0063/2017),

A.

billi s-Serbja, bħal kull pajjiż li jaspira li jaderixxi mal-UE, għandha tiġi ġġudikata abbażi tal-merti proprji tagħha li tissodisfa, timplimenta u tkun konformi mal-istess ġabra ta' kriterji, u billi l-kwalità tar-riformi neċessarji u d-dedikazzjoni lejhom jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni;

B.

billi l-progress tas-Serbja fil-kapitoli 23 u 24 dwar l-istat tad-dritt u fil-kapitolu 35 dwar il-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo għadu fundamentali għar-ritmu kumplessiv tal-proċess tan-negozjati, f'konformità mal-Qafas ta' Negozjar;

C.

billi s-Serbja għamlet passi importanti lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo, li rriżultaw fl-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji ta' Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet tad-19 ta' April 2013 u l-ftehimiet ta' Awwissu 2015, iżda għad hemm ħafna xi jsir f'dan ir-rigward; billi huma meħtieġa b'urġenza miżuri ulterjuri sabiex il-kwistjonijiet pendenti kollha bejn iż-żewġ pajjiżi jiġu ttrattati, isir progress fihom u jiġu solvuti;

D.

billi s-Serbja baqgħet impenjata li toħloq ekonomija tas-suq li tiffunzjona u kompliet timplimenta l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA);

E.

billi l-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku dwar il-protezzjoni tal-minoranzi jeħtieġ li tkun garantita bis-sħiħ, partikolarment fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-użu tal-lingwa, l-aċċess għall-midja u għas-servizzi reliġjużi bil-lingwi minoritarji u r-rappreżentanza politika adegwata tal-minoranzi nazzjonali fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

1.

Jilqa' pożittivament il-ftuħ tan-negozjati dwar il-Kapitoli 23 (Ġudikatura u Drittijiet Fundamentali) u 24 (Ġustizzja, Libertà u Sigurtà) bħala l-kapitoli ewlenin fl-approċċ tal-UE għal tkabbir ibbażat fuq l-istat tad-dritt, inkwantu l-progress f'dawn il-kapitoli jibqa' fundamentali għar-ritmu kumplessiv tal-proċess tan-negozjati; jilqa' pożittivament il-ftuħ tal-Kapitoli 32 (Kontroll Finanzjarju) u 35 (Kwistjonijiet Oħra), il-ftuħ tan-negozjati dwar il-Kapitolu 5 (Akkwist Pubbliku) u l-ftuħ u l-għeluq provviżorju tal-Kapitolu 25 (Xjenza u Riċerka) il-ftuħ tan-negozjati dwar il-Kapitolu 20 (Impriża u Politika Industrijali) u l-ftuħ u l-għeluq provviżorju tal-Kapitolu 26 (Edukazzjoni u Kultura); jistenna bil-ħerqa l-ftuħ tal-kapitoli addizzjonali li tħejjew mil-lat tekniku;

2.

Jilqa' l-impenn kontinwu tas-Serbja fit-triq lejn l-integrazzjoni fl-UE u l-approċċ kostruttiv u mħejji tajjeb tagħha f'dak li għandu x'jaqsam man-negozjati, li huwa sinjal ċar ta' determinazzjoni u rieda politika; jistieden lis-Serbja tkompli tippromwovi u tikkomunika b'mod attiv din id-deċiżjoni strateġika fost il-popolazzjoni Serba, anki billi tippromwovi sensibilizzazzjoni msaħħa taċ-ċittadini Serbi dwar il-finanzjament mill-baġit tal-UE dirett lejn is-Serbja; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jastjenu mir-retorika u mill-messaġġi kontra l-UE diretti lejn il-pubbliku; jissottolinja l-bżonn ta' dibattiti informati, trasparenti u kostruttivi dwar l-UE, l-istituzzjonijiet tagħha u l-implikazzjonijiet ta' adeżjoni; jieħu nota tat-titjib fid-djalogu u fil-konsultazzjonijiet pubbliċi mal-partijiet interessati u mas-soċjetà ċivili rilevanti kif ukoll l-involviment tagħhom fil-proċess ta' integrazzjoni tal-UE;

3.

Jissottolinja li l-implimentazzjoni bir-reqqa tar-riformi u tal-politiki tibqa' indikatur ewlieni tas-suċċess tal-proċess ta' integrazzjoni; ifaħħar l-adozzjoni tal-Programm Nazzjonali għall-Adozzjoni tal-Acquis (PNAA); jistieden lis-Serbja ttejjeb l-ippjanar, il-koordinament u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki l-ġodda, billi titwaqqaf kapaċità amministrattiva adegwata u effiċjenti, u twettaq sforzi ulterjuri biex tiżgura l-inklużjoni sistematika tas-soċjetà ċivili fid-djalogi ta' politika, inkluż fil-proċess ta' adeżjoni, bħala strument għat-titjib tal-istandards tal-governanza demokratika; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi kontinwi min-naħa tal-Uffiċċju tal-Gvern għall-Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili mmirati biex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-Istat u s-settur ċivili;

4.

Josserva dewmien fl-assorbiment tal-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni, anki minħabba l-qafas istituzzjonali inadegwat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ifittxu eżempji pożittivi u l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri; jissottolinja l-bżonn li tiġi stabbilita sistema istituzzjonali aktar effikaċi u komprensiva fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, għall-assorbiment tal-IPA (Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni) u ta' fondi oħra disponibbli;

5.

Jilqa' l-progress li sar mis-Serbja fl-iżvilupp ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona u t-titjib fis-sitwazzjoni ekonomika globali fil-pajjiż; jenfasizza li s-Serbja għamlet progress pożittiv hija u tindirizza wħud mid-dgħufijiet politiċi tagħha, partikolarment fir-rigward tad-defiċit tal-baġit li llum jinsab inqas mil-livell iffissat fil-kriterji ta' Maastricht; jenfasizza li l-prospettivi tat-tkabbir tjiebu u l-iżbilanċi interni u esterni tnaqqsu; jilqa' favorevolment il-fatt li r-ristrutturar tal-impriżi ta' proprjetà pubblika mexa 'l quddiem, partikolarment fil-qasam tal-enerġija u tat-trasport ferrovjarju, u jissottolinja l-importanza tat-tmexxija professjonali tagħhom sabiex isiru aktar effikaċi, kompetittivi u ekonomiċi; jissottolinja r-rilevanza tal-impjieg fis-settur pubblika fis-Serbja u l-importanza tar-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema;

6.

Jieħu nota tar-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali li saru fit-2 ta' April 2017; jikkundanna bil-qawwa r-retorika li ntużat matul il-kampanja presidenzjali mill-uffiċjali tal-gvern u l-midja favur il-gvern kontra kandidati presidenzjali oħra; jiddispjaċih dwar l-aċċess mhux uniformi tal-kandidati għall-midja matul il-kampanja elettorali, kif ukoll il-fatt li l-parlament kien wieqaf matul il-kampanja, u b'hekk il-politiċi tal-oppożizzjoni ċċaħdu minn forum pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw b'mod adegwat allegazzjonijiet ta' diversi tipi ta' irregolaritajiet, vjolenza u intimidazzjoni matul l-elezzjonijiet; jirrikonoxxi l-protesti li kienu qed iseħħu matul dak iż-żmien f'bosta bliet Serbi u jħeġġeġ lill-awtoritajiet iqisu t-talbiet tagħhom f'konformità mal-istandards demokratiċi u l-ispirtu tad-demokrazija;

7.

Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għall-ekonomija Serba u jistieden lill-pajjiż ikompli jtejjeb l-ambjent tan-negozju għas-settur privat; jistieden lill-Gvern Serb u lill-istituzzjonijiet tal-UE jespandu l-opportunitajiet ta' finanzjament tagħhom favur l-SMEs, speċjalment fil-qasam tal-IT u tal-ekonomija diġitali; ifaħħar l-isforzi tas-Serbja rigward l-edukazzjoni dupliċi ta' taħriġ professjonali biex ikun indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jissottolinja l-importanza tal-organizzazzjoni ta' taħriġ aktar adegwat għad-domanda tas-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lis-Serbja tippromwovi l-imprenditorija, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ; josserva t-tendenzi demografiċi sfavorevoli u l-fenomenu tal-“eżodu tal-imħuħ” u jistieden lis-Serbja tintroduċi programmi nazzjonali maħsuba biex jippromwovu l-impjieg fost iż-żgħażagħ;

8.

Jilqa' l-iżvolġiment tal-elezzjonijiet parlamentari fl-24 ta' April 2016 li kienu valutati b'mod pożittiv mill-osservaturi internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet jindirizzaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR, partikolarment fir-rigward tal-kopertura medjatika mhux imparzjali, tal-vantaġġ indebitu għal dawk fil-kariga, ta' distinzjoni vaga bejn l-attivitajiet statali u tal-partiti, tal-proċess ta' reġistrazzjoni u tan-nuqqas ta' trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanja elettorali; jenfasizza li l-finanzjament tal-partiti politiċi għandu jkun f'konformità mal-ogħla standards internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw bir-reqqa l-akkużi ta' irregolaritajiet, vjolenza u intimidazzjoni li tqajmu matul il-proċess elettorali; jistieden lis-Serbja tiżgura elezzjonijiet ħielsa u ġusti f'April 2017;

9.

Josserva li l-Prim Ministru Aleksandar Vučić irċieva 55,08 % tal-voti fl-elezzjoni presidenzjali tal-2 ta' April 2017; jenfasizza li delegazzjoni multipartitika mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa osservat l-elezzjoni u li l-OSKE/ODIHR bagħtet missjoni ta' valutazzjoni elettorali;

10.

Itenni l-appell tiegħu lis-Serbja, konformement mar-rekwiżiti tal-istatus ta' kandidat tagħha, biex tallinja progressivament il-politika estera u ta' sigurtà tagħha ma' dik tal-UE, inkluża l-politika tagħha fil-konfront tar-Russja; iqis deplorevoli l-iżvolġiment ta' taħriġ militari konġunt bejn is-Serbja u r-Russja; huwa mħasseb bil-preżenza ta' faċilitajiet tal-ajru Russi f'Nis; jiddispjaċih li, f'Diċembru 2016 li għadda, is-Serbja kienet wieħed mis-26 pajjiż li ma tax is-sostenn tiegħu lir-riżoluzzjoni dwar il-Krimea fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti li tagħmel appell għal missjoni ta' osservazzjoni internazzjonali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola; jilqa' l-kontribut importanti tas-Serbja għal bosta missjonijiet u operazzjonijiet PSDK tal-UE (EUTM Mali, EUTM Somalia, EUNAVFOR Atalanta u EUTM RCA) u l-parteċipazzjoni kontinwa tagħha fl-operazzjonijiet internazzjonali ta' żamma tal-paċi; jinkoraġġixxi u jsostni bil-qawwa lis-Serbja fin-negozjati dwar l-adeżjoni mad-WTO;

11.

Ifaħħar l-approċċ kostruttiv u umanitarju tas-Serbja fil-mod kif tittratta l-kriżi migratorja; jistieden lis-Serbja trawwem dan l-approċċ kostruttiv anki mal-pajjiżi ġirien; josserva b'mod pożittiv l-isforzi sostanzjali li s-Serbja għamlet biex tiżgura li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jingħataw kenn u provvisti umanitarji bl-appoġġ tal-UE u tal-komunità internazzjonali; jenfasizza li s-Serbja għandha tadotta u timplimenta l-liġi l-ġdida dwar l-asil; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jkomplu jipprovdu lir-rifuġjati u lill-migranti kollha s-servizzi bażiċi bħal djar, ikel, sanità u assistenza għas-saħħa ta' livell adegwat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jipprovdu appoġġ kontinwu favur is-Serbja bil-għan li tindirizza l-isfidi tal-migrazzjoni u tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni tas-sussidji finanzjarji għall-organizzazzjoni u għall-ġestjoni tal-flussi migratorji; jinkoraġġixxi lis-Serbja ssostni t-tendenza dekrexxenti ta' persuni li jfittxu asil li jidħlu fl-UE mis-Serbja; jistieden lis-Serbja tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-applikanti għall-asil u tiżgura li l-minorenni mhux akkumpanjati u separati jiġu identifikati u mħarsa; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni flimkien mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, b'mod li tiżgura l-konformità man-normi u mal-istandards Ewropej u internazzjonali;

Stat tad-dritt

12.

Jinnota li, filwaqt li sar xi progress fil-qasam relatat mal-ġudikatura, b'mod partikolari billi ttieħdu passi għall-armonizzazzjoni tal-ġurisprudenza u l-promozzjoni ulterjuri ta' sistema ta' reklutaġġ meritokratika, l-indipendenza ġudizzjarja mhijiex assigurata fil-prattika, u dan ma jħallix lill-imħallfin u lill-prosekuturi jattwaw il-leġiżlazzjoni adottata; jistieden lill-awtoritajiet jallinjaw il-qafas kostituzzjonali u leġiżlattiv mal-istandards Ewropej sabiex titnaqqas l-influwenza politika fir-reklutaġġ u fil-ħatra tal-imħallfin u tal-prosekuturi; jenfasizza li l-kwalità u l-effiċjenza tal-ġudikatura u l-aċċess għall-ġustizzja jibqgħu taħt pressjoni minħabba distribuzzjoni inugwali ta' volum ta' xogħol, kwantità tqila ta' xogħol ġudizzjarju li baqa' lura u assenza ta' assistenza legali mingħajr ħlas, li jeħtieġ li tkun stabbilita; jappella għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

13.

Jinsab imħasseb bin-nuqqas ta' progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jħeġġeġ lis-Serbja turi rieda politika u impenn ċari biex jinstab tarf ta' din il-kwistjoni, anki permezz ta' titjib u tisħiħ b'mod totali tal-qafas ġuridiku; jistieden lis-Serbja tintensifika l-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni u l-pjan ta' azzjoni, u jitlob li jitfassal l-ewwel bilanċ tal-investigazzjonijiet, tal-prosekuzzjonijiet u tal-kundanni għal korruzzjoni ta' livell għoli; japprezza l-progress fil-finalizzazzjoni tal-abbozz ta' liġi dwar l-Aġenzija kontra l-Korruzzoni u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni previsti bis-saħħa tal-proġett ta' ġemellaġġ tal-UE li għadu kemm ġie stabbilit; iħeġġeġ lis-Serbja temenda u timplimenta t-taqsima tal-Kodiċi Kriminali dwar ir-reati ekonomiċi u ta' korruzzjoni sabiex jipprevedu qafas kredibbli u prevedibbli tad-dritt kriminali; huwa mħasseb bl-iżvelar ripetut lill-midja dwar l-investigazzjonijiet li għaddejjin; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jinvestigaw bis-serjetà għadd ta' kawżi ta' profil għoli li fihom provi ta' allegata mġiba ħażina ġew ippreżentati mill-ġurnalisti; itenni l-appell tiegħu għal riforma adegwata tar-reat tal-abbuż tal-uffiċċju u tal-abbuż tar-responsabbiltajiet sabiex ikun evitat l-użu ħażin jew l-interpretazzjoni arbitrarja; jisħaq fuq il-fatt li r-rikors eċċessiv għad-dispożizzjoni dwar l-abbuż tal-uffiċċju fis-settur privat jagħmel ħsara lill-klima tan-negozju u jxekkel iċ-ċertezza tad-dritt; jistieden lis-Serbja tiggarantixxi n-newtralità u l-kontinwità tal-amministrazzjoni pubblika;

14.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol attiv tas-Serbja fil-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fuq livell internazzjonali u reġjonali, fil-progress li sar fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u fl-adozzjoni, min-naħa tas-Serbja, tal-ewwel valutazzjoni tat-theddid gravi tal-kriminalità organizzata (SOCTA); jistieden lis-Serbja tintensifika l-isforzi biex tinvestiga netwerks kriminali usa', ittejjeb l-investigazzjonijiet finanzjarji u l-attivitajiet tal-pulizija bbażati fuq l-intelligence u tiżviluppa każistika solida ta' kundanni definittivi; jistieden lis-Serbja timplimenta b'mod sħiħ il-liġi ta' Frar 2016 dwar il-pulizija, tallinja mar-regoli tal-UE dwar il-konfiska tal-assi kriminali u tistabbilixxi pjattaforma sigura għall-iskambju tal-intelligence bejn l-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi; japprezza l-bidliet reċenti fil-liġi dwar il-proprjetà pubblika u jisħaq fuq il-fatt li l-implimentazzjoni trasparenti u nondiskriminatorja tagħha trid tkun garantita, u li jridu jiġu adottati miżuri oħrajn biex tkun stabbilita totalment iċ-ċarezza tad-dritt rigward id-drittijiet tal-proprjetà; jagħmel appell għal sforzi addizzjonali biex tkun indirizzata l-kwistjoni tal-kamp ta' applikazzjoni, tal-implimentazzjoni u tal-implikazzjonijiet tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni u l-Kompetenzi tal-Awtoritajiet Statali fil-Proċeduri tad-Delitti tal-Gwerra; jistieden lill-awtoritajiet jittrattaw il-każijiet ta' użu eċċessiv tal-poter min-naħa tal-pulizija fil-konfront taċ-ċittadini; ħa nota, bi tħassib, tal-avvenimenti kontroversjali li ġraw fid-distrett ta' Savamala ta' Belgrad, partikolarment fir-rigward tat-twaqqigħ tal-proprjetà privata; jesprimi tħassib dwar il-fatt li għaddiet sena sħiħa mingħajr ma saru xi żviluppi fl-investigazzjoniu jitlob ir-riżoluzzjoni rapida tagħha kif ukoll il-kooperazzjoni totali mal-awtoritajiet ġudizzjarji fl-investigazzjonijiet biex min hu responsabbli jiġi mħarrek; jistieden lill-Ministeru tal-Intern tas-Serbja u lill-awtoritajiet tal-belt ta' Belgrad jikkooperaw bis-sħiħ mal-prosekutur pubbliku f'dan il-każ; jistieden lill-awtoritajiet iżommu lura milli jagħmlu akkużi, pressjoni u attakki indirizzati lejn il-membri tal-moviment ċivili ''Let's not drown Belgrade'';

15.

Jilqa' pożittivament ir-rwol attiv tas-Serbja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jfakkar li fl-2014 is-Serbja diġà kkriminalizzat l-attivitajiet tal-ġellieda barranin konformement mar-riżoluzzjoni 2178 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; iħeġġeġ l-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu finalizzata f'Marzu 2016; jistieden lis-Serbja timplimenta b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta' evalwazzjoni tal-Kumitat ta' Esperti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Evalwazzjoni ta' Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (Moneyval), u partikolarment ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) dwar il-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus; jilqa' favorevolment il-kooperazzjoni kontinwa fuq livell internazzjonali u reġjonali min-naħa tas-Serbja fil-ġlieda kontra d-drogi iżda jenfasizza li hemm bżonn aktar sforzi biex jiġu identifikati u mħarrka n-netwerks kriminali involuti fit-traffikar tal-bnedmin; iqis li strateġija reġjonali u kooperazzjoni msaħħa fir-reġjun huma fundamentali biex jiġu miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

Demokrazija

16.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri meħuda biex jitjiebu t-trasparenza u l-proċess ta' konsultazzjoni fi ħdan il-Parlament, inklużi seduti ta' smigħ pubbliċi u laqgħat u konsultazzjonijiet regolari mal-Konvenzjoni Nazzjonali dwar l-Integrazzjoni Ewropea, speċjalment billi huma partijiet importanti tal-proċedura tan-negozjati; jibqa' mħasseb dwar l-użu estensiv ta' proċeduri urġenti fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni; jisħaq fuq il-fatt li l-użu frekwenti tal-proċeduri urġenti u l-bidliet tal-aħħar minuta lill-aġenda parlamentari jimminaw l-effikaċja parlamentari, il-kwalità u t-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv u fl-istess ħin ma jippermettux biżżejjed konsultazzjoni mal-partijiet interessati u mal-pubbliku ġenerali; jenfasizza li jeħtieġ li tissaħħaħ is-sorveljanza tal-Parlament fuq l-eżekuttiv; jitlob koordinament aħjar fil-livelli kollha u adozzjoni immedjata ta' kodiċi tal-kondotta tal-parlament; jiddispjaċih li, minħabba tfixkil, id-Delegazzjoni tal-UE lis-Serbja ma setgħetx tippreżenta r-rapport tal-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat għall-Integrazzjoni Ewropea tal-Parlament Serb; jenfasizza li l-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE jeħtieġ li jkun jista' jippreżenta dan ir-rapport mingħajr ostakli bla bżonn u dan se jippermetti wkoll sorveljanza adegwata tal-proċess ta' adeżjoni min-naħa tal-Parlament Serb;

17.

Jinnota li l-Kostituzzjoni teħtieġ reviżjoni biex b'hekk tirrifletti b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, b'mod partikolari fir-rigward tar-rwol tal-Parlament f'ħatriet ġudizzjarji, il-kontroll tal-partiti politiċi fuq il-mandat tal-Membri tal-Parlament, l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ewlenin u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali;

18.

Jilqa' favorevolment l-adozzjoni tal-programm pubbliku dwar ir-riforma tal-ġestjoni finanzjarja, l-istrateġija tal-gvern elettroniku, strateġija dwar riforma regolatorja u t-tfassil tal-politika, liġijiet ġodda dwar proċeduri amministrattivi ġenerali, salarji pubbliċi u impjegati pubbliċi fil-livell tal-gvern provinċjali u lokali; jinnota li f'xi oqsma l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni relatat mar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika kienet bil-mod, u li ma sar l-ebda progress fl-emendar tal-qafas ġuridiku għall-impjegati pubbliċi tal-gvern ċentrali; jissottolinja li hemm bżonn aktar sforz biex l-amministrazzjoni tkompli tkun professjonalizzata u depolitiċizzata u biex il-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' sensja jsiru aktar trasparenti;

19.

Itenni l-importanza ta' entitajiet regolatorji indipendenti bħall-Ombudsman, il-Kummissarju għall-Informazzjoni ta' Importanza Pubblika u l-Protezzjoni tad-Data Personali, l-Istitut Statali tal-Awditjar, l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni u l-Kunsill Kontra l-Korruzzjoni fil-garanzija tas-sorveljanza u tal-obbligu ta' rendikont tal-eżekuttiv; jisħaq fuq il-bżonn ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet statali; jistieden lill-awtoritajiet jipprovdu bis-sħiħ l-indipendenza ta' dawn l-entitajiet regolatorji, joffru sostenn politiku u amministrattiv totali għal ħidmithom u jiżguraw segwitu adegwat tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet jastjenu milli jagħmlu akkużi u attakki politiċi mhux fondati diretti kontra l-Ombudsman;

20.

Jissottolinja l-bżonn li tkun żgurata sistema edukattiva aċċessibbli b'kurrikulu komplet u bbilanċjat, anki rigward l-importanza tad-drittijiet tal-bniedem u l-miżuri kontra d-diskriminazzjoni kif ukoll opportunitajiet ta' xogħol u ta' taħriġ għaż-żgħażagħ u l-promozzjoni tal-programmi ta' studju Ewropej, bħall-programm Erasmus;

Drittijiet tal-bniedem

21.

Jissottolinja li l-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali għall-osservanza tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem huwa fis-seħħ; jenfasizza li hija meħtieġa implimentazzjoni konsistenti fil-pajjiż kollu; josserva li hemm bżonn sforzi sostnuti ulterjuri biex titjieb is-sitwazzjoni tal-persuni li jagħmlu parti mill-gruppi vulnerabbli, inklużi r-Rom, il-persuni b'diżabbiltà, il-persuni bl-HIV/AIDS, il-persuni LGBTI, il-migranti u dawk li jfittxu l-asil kif ukoll il-minoranzi etniċi; jissottolinja l-bżonn għall-awtoritajiet Serbi, għall-partiti politiċi kollha u għall-personalitajiet pubbliċi kollha jippromwovu klima ta' tolleranza u inklużjoni fis-Serbja; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw implimentazzjoni adegwata tal-leġiżlazzjoni adottata kontra d-diskriminazzjoni, speċjalment fir-rigward tar-reati ta' mibegħda; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Vittmi Ċivili tal-Gwerra, li teskludi ċerti gruppi ta' vittmi tal-vjolenza matul il-kunflitt, u jistieden lill-awtoritajiet jeżaminaw mill-ġdid din il-liġi;

22.

Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li ma sar ebda progress biex titjieb is-sitwazzjoni fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni, tal-awtoċensura u tal-midja li jikkostitwixxi fenomenu dejjem aktar gravi; jisħaq fuq il-fatt li l-indħil politiku, it-theddid, il-vjolenza u l-intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti, inklużi l-aggressjonijiet fiżiċi, it-theddid bil-fomm u bil-miktub u l-attakki fuq il-proprjetà jibqgħu kwistjoni ta' tħassib; jistieden lill-awtoritajiet jikkundannaw pubblikament u inekwivokabbilment dawn l-attakki kollha, joffru riżorsi adegwati għall-investigazzjoni b'mod aktar proattiv tal-każijiet ta' attakki kontra l-ġurnalisti u l-mezzi tal-komunikazzjoni u jħarrku malajr lil dawk responsabbli; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-kawżi ċivili ta' malafama u l-kampanji denigratorji qegħdin jimmiraw b'mod sproporzjonat il-mezzi ta' komunikazzjoni u l-ġurnalisti kritiċi u dwar ir-riperkussjonijiet possibbli fuq il-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-ġudikatura fir-rigward tal-malafama; jesprimi tħassib dwar kampanja negattiva kontra ġurnalisti investigattivi li jirrappurtaw dwar il-korruzzjoni, u jistieden lill-uffiċjali tal-gvern joqogħdu lura milli jinvolvu ruħhom f'kampanji bħal dawn; jitlob li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-liġijiet tal-mezzi ta' komunikazzjoni; jilqa' pożittivament l-iffirmar tal-ftehim dwar il-kooperazzjoni u l-protezzjoni tal-ġurnalisti bejn il-prosekuturi, il-pulizija, il-ġurnalisti u l-assoċjazzjonijiet tal-istampa u jistenna b'interess l-implimentazzjoni tiegħu; jissottolinja l-ħtieġa ta' trasparenza sħiħa fis-sjieda tal-mezzi ta' komunikazzjoni u l-finanzjament tagħhom; jinkoraġġixxi lill-gvern jiggarantixxi l-indipendenza u s-sostenibbiltà finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-mezzi ta' komunikazzjoni tas-servizz pubbliku kif ukoll il-fattibbiltà finanzjarja tal-kontenut medjatiku bil-lingwi minoritarji, u jżid ir-rwol tax-xandara pubbliċi f'dan is-settur;

23.

Jinsab imħasseb bil-fatt li l-Liġi dwar ir-Reklamar ġiet adottata fl-2015 mingħajr konsultazzjoni pubblika adegwata, u aboliet dispożizzjonijiet importanti bħal dawk relatati mal-projbizzjoni tar-reklamar tal-awtoritajiet pubbliċi u tar-reklamar politiku barra mill-kampanji elettorali;

24.

Jiddeplora r-rekwiżit għall-użu tal-fondi IPA li jesiġi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) isiru sħab tal-Istat biex l-applikazzjonijiet tagħhom jintemmu b'suċċess;

25.

Jikkundanna l-kampanja negattiva tal-gvern u tal-mezzi ta' komunikazzjoni mmexxijin mill-gvern kontra l-OSĊ; huwa mħasseb bil-ħolqien min-naħa tal-gvern ta' istituzzjonijiet fittizji ta' OSĊ f'oppożizzjoni għall-OSĊ indipendenti; iqis li huwa inaċċettabbli li tinħtieġ sħubija mal-gvern sabiex l-applikazzjonijiet tal-OSĊ għall-fondi IPA jintemmu b'suċċess;

Rispett u protezzjoni tal-minoranzi

26.

Itenni li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali hija kundizzjoni preliminari fundamentali għall-adeżjoni mal-UE; jilqa' pożittivament l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali, u l-adozzjoni ta' digriet li jistabbilixxi fond għall-minoranzi nazzjonali, li hemm bżonn isir operattiv; jappella għall-implimentazzjoni totali tal-pjan ta' azzjoni u tal-anness tiegħu b'mod komprensiv u trasparenti, bl-involviment kostruttiv tal-partijiet kollha; itenni l-appell tiegħu lis-Serbja tiżgura implimentazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-minoranzi u tagħti attenzjoni partikolari lit-trattament nondiskriminatorju tal-minoranzi nazzjonali fil-pajjiż kollu, inkluż fir-rigward tal-edukazzjoni, l-użu tal-lingwi, ir-rappreżentanza adegwata fil-ġudikatura, l-amministrazzjoni pubblika, il-parlament nazzjonali u l-entitajiet lokali u reġjonali kif ukoll aċċess għall-mezzi ta' komunikazzjoni u għas-servizzi reliġjużi bil-lingwi minoritarji; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni ta' standards edukattivi ġodda għat-tagħim tas-Serb bħala lingwa mhux materna u l-progress fit-traduzzjoni tal-kotba tal-iskola fil-lingwi minoritarji, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi jiżguraw is-sostenibbiltà ta' dawn il-proċessi; jistieden lis-Serbja timplimenta b'mod sħiħ it-trattati internazzjonali kollha li jikkonċernaw id-drittijiet tal-minoranzi;

27.

Josserva li d-diversità multietnika, multikulturali u multikonfessjonali tal-Vojvodina tikkontribwixxi wkoll għall-identità tas-Serbja; jissottolinja li l-Vojvodina żammet grad għoli ta' protezzjoni tal-minoranzi u li s-sitwazzjoni interetnika baqgħet tajba; jenfasizza li l-awtonomija tal-Vojvodina jenħtieġ li ma tiddgħajjifx u li l-liġi dwar ir-riżorsi tal-Vojvodina għandha tiġi adottata mingħajr aktar dewmien, kif previst mill-Kostituzzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultat tal-belt Serba ta' Novi Sad li ntgħażlet bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2021;

28.

Josserva l-adozzjoni tal-istrateġija l-ġdida għall-inklużjoni soċjali tar-Rom 2016-2025, li tkopri l-edukazzjoni, is-saħħa, id-djar, l-impjiegi, il-protezzjoni soċjali, il-miżuri kontra d-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza tal-ġeneru; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa u malajr tal-istrateġija l-ġdida għall-inklużjoni tar-Rom, billi huma l-grupp l-aktar dgħajjef, emarġinat u diskriminat fis-Serbja, l-adozzjoni urġenti tal-pjan ta' azzjoni u l-ħolqien ta' korp għall-koordinament tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni; jikkundanna l-qerda tal-insedjamenti informali tar-Rom min-naħa tal-awtoritajiet, mingħajr avviż jew offerti ta' alloġġ alternattiv; jinsab estremament imħasseb bin-nuqqas ta' ħruġ ta' dokumenti personali lill-popolazzjoni Rom, fatt li jillimita d-drittijiet fundamentali tagħhom; huwa tal-fehma li l-kwistjonijiet kollha msemmija hawn fuq jissarrfu f'għadd kbir ta' persuni Rom mis-Serbja jfittxu asil fl-UE;

Kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet ta' bon viċinat

29.

Jilqa' pożittivament il-fatt li s-Serbja tibqa' b'mod kostruttiv impenjata lejn relazzjonijiet bilaterali ma' pajjiżi oħrajn tat-tkabbir u ma' Stati Membri ġirien tal-UE; jinkoraġġixxi lis-Serbja ssaħħaħ l-involviment proattiv u pożittiv tagħha mal-ġirien tagħha u mar-reġjun tal-madwar, tippromwovi relazzjonijiet ta' bon viċinat u tintensifika l-isforzi mal-pajjiżi ġirien biex issolvi l-kwistjonijiet bilaterali skont id-dritt internazzjonali; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-arkivji li jikkonċernaw lil dawk li kienu r-repubbliki tal-Jugoslavja; jistieden lis-Serbja timplimenta b'mod sħiħ il-ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi ġirien; jissottolinja li tilwim bilaterali pendenti ma għandux ikollu effett ta' detriment fuq il-proċess ta' adeżjoni; jinkoraġġixxi lis-Serbja ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE ġirien, partikolarment fiż-żoni tal-fruntiera, bil-għan li jkun faċilitat l-iżvilupp ekonomiku;

30.

Ħa nota pożittiva tal-fatt li s-Serbja wriet impenn kostruttiv dejjem jikber f'inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali bħall-Istrateġija tad-Danubju, il-Proċess ta' Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk, il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali, l-Inizjattiva Adrijatika-Jonika, il-proċess Brdo-Brijuni, l-inizjattiva tas-Sitta tal-Balkani tal-Punent u l-aġenda ta' konnettività tagħha u l-proċess ta' Berlin; jilqa' favorevolment il-Prim Ministri tal-Bulgarija, tar-Rumanija u tas-Serbja dwar il-kooperazzjoni tal-infrastrutturi enerġetiċi u tat-trasport u jsostni l-idea ta' format permanenti tal-laqgħat tal-“Grupp ta' Craiova”; jisħaq fuq l-importanza tal-Uffiċċju għall-Kooperazzjoni Reġjonali fost iż-Żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent fil-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni; jistieden lis-Serbja timplimenta l-miżuri tar-riforma tal-konnettività assoċjati mal-aġenda tal-konnettività kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Pariġi tal-2016 dwar il-Balkani tal-Punent u r-regolament TEN-T; ifaħħar ir-rwol tal-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija tas-Serbja biex tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali u tikkontribwixxi għat-twaqqif tal-Forum tal-Investiment tal-Kamra tal-Balkani tal-Punent;

31.

Jilqa' favorevolment l-adozzjoni ta' strateġija nazzjonali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' delitti tal-gwerra; jistieden lis-Serbja tippromwovi klima ta' rispett u ta' tolleranza u tikkundanna kull forma ta' inċitament għall-mibegħda, approvazzjoni pubblika jew tiċħid ta' ġenoċidji, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra; jinnota li l-mandat tal-ex Prosekutur tad-Delitti tal-Gwerra skada f'Diċembru 2015; jenfasizza li l-ħatra tas-suċċessur tiegħu hija kwistjoni ta' tħassib serju; jappella għall-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija nazzjonali u għall-adozzjoni tal-istrateġija operattiva dwar il-prosekuzzjoni bi qbil mal-prinċipji u mar-regoli tad-dritt internazzjonali u tal-istandards internazzjonali; jappella għal kooperazzjoni reġjonali msaħħa fit-trattament tad-delitti tal-gwerra u fir-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet pendenti kollha f'dan ir-rigward, anki bis-saħħa tal-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji tal-Prosekuturi tad-Delitti tal-Gwerra fir-reġjun dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY), li għadha essenzjali; jitlob li d-delitti tal-gwerra jiġu ttrattati mingħajr ebda diskriminazzjoni, billi l-impunità tiġi indirizzata u l-obbligu ta' rendikont jiġi żgurat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu jaħdmu dwar il-kwistjoni tad-destin tal-persuni li għebu, tal-lokalizzazzjoni tal-oqbra tal-massa u tal-garanzija tad-drittijiet tal-vittmi u tal-familji tagħhom; itenni l-appoġġ tiegħu favur l-inizjattiva biex titwaqqaf Kummissjoni reġjonali għall-aċċertament tal-fatti dwar id-delitti tal-gwerra u ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kommess f'dik li kienet il-Jugoslavja u jħeġġeġ lill-Gvern Serb ikollu rwol ta' tmexxija f'dan l-aċċertament;

32.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-parteċipazzjoni ta' xi uffiċjali Serbi ta' grad għoli fiċ-ċelebrazzjonijiet tad-9 ta' Jannar 2017 ta' Jum ir-Republika Srpska, li saru bi ksur tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina; jenfasizza li kemm is-Serbja, bħala pajjiż kandidat, kif ukoll il-Bożnija-Ħerzegovina, bħala pajjiż potenzjalment kandidat, għandhom jiddefendu u jippromwovu b'azzjonijiethom l-istat tad-dritt; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jappoġġaw ir-riformi kostituzzjonali fil-Bożnija-Ħerzegovina bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiż biex jiffunzjona u jipparteċipa fit-taħditiet dwar l-adeżjoni mal-UE;

33.

Ifaħħar il-ftuħ ta' tliet punti ta' qsim tal-fruntiera bejn is-Serbja u r-Rumanija bħala żvilupp pożittiv u jirrakkomanda l-ftuħ ta' tliet punti ta' qsim tal-fruntiera ttardjati mal-Bulgarija f'Salash–Novo Korito, f'Bankya–Petachinci u fi Treklyano–Bosilegrad;

34.

Ifaħħar kemm lis-Serbja kif ukoll lill-Albanija għall-impenn kontinwu tagħhom biex itejbu r-relazzjonijiet bilaterali u jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali fuq livell politiku u soċjetali, pereżempju permezz tal-Uffiċċju għall-Kooperazzjoni Reġjonali fost iż-Żgħażagħ (RYCO), bis-sede f'Tirana; jinkoraġġixxi liż-żewġ pajjiżi jkomplu bil-kooperazzjoni tajba tagħhom sabiex jippromwovu r-rikonċiljazzjoni fir-reġjun;

35.

Jilqa' pożittivament l-impenn kontinwu tas-Serbja fil-proċess ta' normalizzazzjoni mal-Kosovo, u l-impenn tagħha għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet milħuqa fid-djalogu ffaċilitat mill-UE; itenni li l-progress fid-Djalogu għandu jitkejjel f'termini tal-implimentazzjoni tiegħu fil-post; jistieden, għaldaqstant, liż-żewġ partijiet javvanzaw bl-implimentazzjoni sħiħa, f'bona fide u b'mod tempestiv, tal-ftehimiet kollha li diġà ntlaħqu u jkomplu b'mod determinat il-proċess ta' normalizzazzjoni, inkluża l-kwistjoni tal-Komunità tal-Muniċipalitajiet Serbi; jinkoraġġixxi lis-Serbja u lill-Kosovo jidentifikaw oqsma ġodda ta' diskussjoni għad-djalogu, bil-għan li titjieb ħajjet iċ-ċittadini u jinnormalizzaw b'mod komprensiv ir-relazzjonijiet bejniethom; itenni l-appell tiegħu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex iwettaq evalwazzjoni tal-prestazzjoni taż-żewġ naħat biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom;

36.

Jiddispjaċih, madankollu, fir-rigward tad-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet Serbi li ma jħallux lill-eks President tal-Kosovo, Atifete Jahjaga, tattendi l-festival “Mirëdita, Dobar Dan”, fejn hija kienet mistiedna tagħmel diskors dwar il-vittmi tal-vjolenza sesswali waqt il-gwerra tal-Kososvo; jiddispjaċih ukoll fir-rigward tal-miżura reċiproka adottata mill-awtoritajiet tal-Kosovo li ma jħallux lill-Ministru tax-Xogħol tas-Serbja, Aleksandar Vulin, jidħol il-Kosovo; jenfasizza li tali deċiżjonijiet huma fi ksur tal-Ftehim ta' Brussell dwar il-libertà ta' moviment konkluż mis-Serbja u mill-Kosovo fi ħdan il-qafas tal-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet ta' bejn iż-żewġ pajjiżi;

37.

Jesprimi tħassib serju dwar t-tensjonijiet reċenti bejn is-Serbja u l-Kosovo rigward l-ewwel traġitt ferrovjarju bejn Belgrad u Mitrovica tat-Tramuntana, inklużi d-dikjarazzjonijiet ta' propaganda tal-gwerra u r-retorika anti-UE; jisħaq fuq il-bżonn li kemm Belgrad kif ukoll Pristina jastjenu minn kwalunkwe azzjoni li taf tikkomprometti l-progress miksub sal-lum u jastjenu minn azzjonijiet provokattivi u retorika inutli tista' tostakola l-proċess ta' normalizzazzjoni;

38.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ li wrew l-awtoritajiet Serbi lill-Montenegro fl-investigazzjoni tiegħu tal-attakki falluti ppjanati għall-ġurnata tal-elezzjonijiet Montenegrini fl-2016; josserva li l-awtoritajiet Serbi arrestaw żewġ suspettati b'segwitu għall-ħruġ tal-mandat ta' arrest min-naħa tal-Montenegro; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi jkomplu jikkooperaw mal-Montenegro biex jaqblu dwar l-estradizzjoni tas-suspettati lejn il-Montenegro skont it-termini tal-ftehim bilaterali dwar l-estradizzjoni taż-żewġ pajjiżi;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi ulterjuri biex tappoġġa proċess ta' rikonċiljazzjoni ġenwin fir-reġjun, partikolarment permezz ta' appoġġ għal proġetti kulturali li jittrattaw il-passat reċenti u l-promozzjoni ta' fehim komuni u kondiviż tal-istorja u kultura pubblika u politika ta' tolleranza, inklużjoni u rikonċiljazzjoni;

Enerġija

40.

Jistieden lis-Serbja timplimenta bis-sħiħ il-miżuri ta' riforma ta' konnettività fis-settur tal-enerġija; jinkoraġġixxi lis-Serbja tiżviluppa l-kompetizzjoni fis-suq tal-gass u tieħu miżuri biex ittejjeb l-allinjament mal-acquis fis-setturi tal-effiċjenza enerġetika, tal-enerġija rinnovabbli u tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluża l-adozzjoni ta' politika komprensiva dwar il-klima; jappella għar-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-klima; jappella għall-iżvilupp ta' strateġija għall-enerġija idroelettrika għall-Balkani tal-Punent fl-intier tagħhom bi qbil mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u jistieden lill-awtoritajiet jużaw il-finanzjament addizzjonali tal-UE li jammonta għal EUR 50 miljun għall-iżvilupp tal-potenzjal idroelettriku tar-reġjun; ifaħħar lis-Serbja talli stabbiliet sistema ta' finanzjament għall-ambjent permezz tal-Fond Ekoloġiku; jisħaq fuq il-bżonn li jkunu żviluppati l-interkonnessjonijiet tal-gass u tal-elettriku tas-Serbja mal-ġirien tagħha; jinkoraġġixxi lis-Serbja taċċelera l-preparamenti tekniċi u baġitarji għall-interkonnettur tal-gass bejn il-Bulgarija u s-Serbja;

41.

Jindika li s-Serbja għad trid tadotta formalment l-Istrateġija dwar il-Ġestjoni tal-Ilma u għadha ma għamlitx reviżjoni tal-Liġi dwar l-Ilma u l-Pjan Nazzjonali ta' Ġestjoni tal-Baċir Idrografiku tad-Danubju; jenfasizza li dawn il-liġijiet huma ta' importanza fundamentali għall-allinjament ulterjuri mal-acquis tal-UE u għat-titjib tal-implimentazzjoni tad-direttivi UE fis-settur tal-ilma;

o

o o

42.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.

(1)  ĠU L 80, 19.3.2008, p. 46.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0046.


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/80


P8_TA(2017)0262

Rapport 2016 dwar il-Kosovo

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar il-Kosovo (2016/2314(INI))

(2018/C 331/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2016,

wara li kkunsidra l-iffirmar ta' ftehim qafas mal-Kosovo dwar il-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni,

wara li kkunsidra l-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji li Jirregolaw in-Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet, iffirmat mill-Prim Ministri Hashim Thaçi u Ivica Dačić fid-19 ta' April 2013, u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni tat-22 ta' Mejju 2013,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/947 tal-14 ta' Ġunju 2016 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX Kosovo),

wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-attivitajiet li għaddejjin tal-Missjoni Temporanja ta' Amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK) u l-iżviluppi li għandhom x'jaqsmu magħhom, inkluż l-aktar rapport reċenti maħruġ fis-26 ta' Ottubru 2016, u d-dibattitu tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar l-UNMIK li sar fis-16 ta' Novembru 2016,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2016 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2016)0715),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni tal-2016 dwar il-Kosovo tad-9 ta' Novembru 2016 (SWD(2016)0363),

wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2016 dwar il-Programm ta' Riforma Ekonomika 2016-2018 tal-Kosovo (SWD(2016)0134),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija tas-26 ta' Mejju 2016 (9500/2016),

wara li kkunsidra l-Aġenda Ewropea għar-Riforma mnedija fil-11 ta' Novembru 2016 fi Pristina,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar it-tkabbir u l-proċessi ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-7 ta' Diċembru 2009, tal-14 ta' Diċembru 2010 u tal-5 ta' Diċembru 2011, li enfasizzaw u affermaw mill-ġdid, rispettivament, li l-Kosovo, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tiegħu, jenħtieġ li jgawdi wkoll mill-prospettiva tal-liberalizzazzjoni eventwali tal-viża, ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-persuni mill-Kosovo tal-1 ta' Ġunju 2016 (COM(2016)0277) u r-raba' rapport tal-Kummissjoni tal-4 ta' Mejju 2016 dwar il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża (COM(2016)0276),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza fir-rigward tal-Kosovo, u r-Riżoluzzjoni 64/298 tad-9 ta' Settembru 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqgħet id-disponibbiltà tal-UE li taġevola d-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-laqgħat interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Kosovo tat-28-29 ta' Mejju 2008, tas-6-7 ta' April 2009, tat-22-23 ta' Ġunju 2010, tal-20 ta' Mejju 2011, tal-14-15 ta' Marzu 2012, tat-30-31 ta' Ottubru 2013 u tad-29-30 ta' April 2015, u d-dikjarazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati fl-ewwel u t-tieni laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Kosovo tas-16-17 ta' Mejju 2016 u tat-23-24 ta' Novembru 2016 rispettivament, u l-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni li saret fil-25 ta' Novembru 2016,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0062/2017),

A.

billi 114 mill-193 stat membru tan-NU, inklużi 23 mit-28 Stat Membru tal-UE, jirrikonoxxu l-indipendenza tal-Kosovo;

B.

billi kull pajjiż (potenzjalment) kandidat jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess, u billi r-rapidità u l-kwalità tar-riformi meħtieġa jiddeterminaw il-kalendarju għall-adeżjoni;

C.

billi l-UE tenniet bosta drabi r-rieda tagħha li tassisti l-iżvilupp ekonomiku u politiku tal-Kosovo permezz ta' perspettiva Ewropea ċara, f'konformità mal-perspettiva Ewropea tar-reġjun, u l-Kosovo wera aspirazzjoni għall-mixja tiegħu lejn l-integrazzjoni Ewropea;

D.

billi l-UE poġġiet l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, inkluża r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll ir-relazzjonijiet ta' bon viċinat, l-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività, fil-qalba tal-politika ta' tkabbir tagħha;

E.

billi aktar minn 90 % tal-Kosovari jinsabu f'riskju ta' qgħad u iktar minn 30 % jirċievu bejn EUR 0 u EUR 120 fix-xahar;

1.

Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Kosovo (FSA) tal-1 ta' April 2016 bħala l-ewwel relazzjoni kuntrattwali u pass essenzjali biex jitkompla l-proċess ta' integrazzjoni tal-Kosovo mal-UE; jilqa' t-tnedija tal-Aġenda ta' Riforma Ewropea fil-11 ta' Novembru 2016 u l-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-FSA bħala pjattaforma biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-FSA, u jistieden lill-Kosovo jkompli juri rieda politika ċara u determinazzjoni biex jimplimenta l-pjan direzzjonali miftiehem, inkluż it-twaqqif tal-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni għall-implimentazzjoni tal-FSA, u jaħtaf il-momentum pożittiv maħluq mill-FSA sabiex jimplimenta u jistituzzjonalizza r-riformi u jtejjeb l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Kosovo, jistabbilixxi kooperazzjoni mal-UE f'diversi oqsma li jżidu l-integrazzjoni kummerċjali u ta' investiment tal-Kosovo, imexxi 'l quddiem ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien u jikkontribwixxi għall-istabbiltà fir-reġjun; jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-riformi komprensivi meħtieġa biex jonora l-obbligi tiegħu taħt l-FSA; jilqa' l-fatt li fit-23-24 ta' Novembru 2016 sar it-Tieni Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u li fil-25 ta' Novembru 2016 kien hemm l-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo; jinnota kemm hu kruċjali għall-ġejjieni demokratiku tal-Kosovo kif ukoll għall-futur fil-proċess ta' integrazzjoni tiegħu mal-UE, li l-elezzjonijiet ġenerali bikrija u l-elezzjonijiet muniċipali li se jsiru fit-tieni parti tal-2017 ikunu ħielsa, ġusti u trasparenti;

2.

Jilqa' l-iżvolġiment ġeneralment paċifiku u ordnat tal-elezzjonijiet ġenerali bikrija li saru fil-11 ta' Ġunju 2017; jiddispjaċih, madankollu, li, parzjalment minħabba ż-żmien qasir għad-dispożizzjoni, uħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE tal-2014 ma ġewx indirizzati; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-problemi osservati mill-osservaturi tal-UE matul il-kampanja elettorali fir-rigward, partikolarment, tal-indħil, min-naħa ta' ċerti partiti politiċi, li ħarbat l-indipendenza tal-mezzi tal-komunikazzjoni, kemm dawk privati kif ukoll pubbliċi, u tat-theddid u tal-atti ta' intimidazzjoni fil-konfront tal-membri u tal-kandidati tal-komunità Serba tal-Kosovo li kkontestaw l-elezzjoni mal-Lista Serba (Srpska Lista); iħeġġeġ lill-partiti jifformaw malajr gvern biex ikompli fit-triq li qabad il-Kosovo lejn l-UE u jimpenjaw ruħhom li jirratifikaw ftehim ta' demarkazzjoni tal-konfini mal-Montenegro u jkomplu r-riżultati pożittivi f'dawk li huma l-kundanni għal korruzzjoni f'livell għoli u għall-kriminalità organizzata bil-għan li titwitta t-triq għall-eżenzjoni mill-obbligu ta' viża għaċ-ċittadini Kosovari;

3.

Jesprimi tħassib dwar il-polarizzazzjoni estrema persistenti tax-xena politika; jistieden lill-partijiet kollha juru responsabbiltà u sjieda u joħolqu l-kundizzjonijiet għal soluzzjoni li tagħti l-frott u għal djalogu orjentat lejn ir-riżultati, bil-għan li titbatta t-tensjoni, u jintlaħaq kompromess sostenibbli sabiex jiġi ffaċilitat il-progress tal-pajjiż fil-mixja Ewropea tiegħu;

4.

Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-komunità Kosovo-Serba jieħdu posthom u r-rwol tagħhom bis-sħiħ fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż, filwaqt li jaġixxu b'mod indipendenti minn Belgrad u b'mod kostruttiiv għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-Kosovo, u jħeġġeġ lill-Kosovo jkompli jappoġġa l-aċċess tas-Serbi tal-Kosovo fl-istituzzjonijiet tal-Kosovo; jilqa' f'dan ir-rigward l-integrazzjoni ta' persunal ġudizzjarju, tal-pulizija u l-protezzjoni ċivili Serbi tal-Kosovo fi ħdan is-sistema tal-Kosovo; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jkomplu jibnu fiduċja reċiproka bejn il-komunitajiet filwaqt li jippromwovu l-integrazzjoni ekonomika tagħhom;

5.

Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-isfrattar vjolenti ta' attivitajiet minn xi membri tal-oppożizzjoni li seħħ fil-parlament tal-Kosovo fl-ewwel nofs tal-2016, u jilqa' l-fatt li l-oppożizzjoni reġgħet bdiet tipparteċipa fix-xogħlijiet tal-Assemblea dwar il-maġġorparti tal-kwistjonijiet, u li kien hemm involviment kostruttiv min-naħa tal-membri kollha tad-delegazzjoni parlamentari konġunta tal-Parlament Ewropew u l-Assemblea tal-Kosovo matul l-parti finali tal-leġiżlatura uxxenti; jenfasizza l-importanza tad-djalogu politiku, il-parteċipazzjoni attiva u kostruttiva tal-partiti politiċi kollha fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-ħidma parlamentari mingħajr xkiel bħala kundizzjonijiet essenzjali għal progress fil-proċess ta' integrazzjoni mal-UE;

6.

Jissottolinja li t-triq lejn l-integrazzjoni mal-UE tirrikjedi viżjoni strateġika fit-tul u impenn sostnut fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa;

7.

Jinnota li ħames Stati Membri ma rrikonoxxewx lill-Kosovo; jenfasizza li r-rikonoxximent ikun ta' benefiċċju għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Kosovo u s-Serbja u jżid il-kredibbiltà tal-UE fir-rigward tal-politika esterna tagħha; jilqa' b'mod pożittiv l-approċċ kostruttiv tal-Istati Membri kollha biex jiġu ffaċilitati u msaħħa r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kosovo sabiex jitrawmu l-iżvilupp soċjoekonomiku, l-istat tad-dritt u l-konsolidament demokratiku għall-benefiċċju tal-poplu tal-Kosovo; jinkoraġġixxi approċċ pożittiv fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Kosovo f'organizzazzjonijiet internazzjonali;

8.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għall-għoti ta' liberalizzazzjoni tal-viża, li jkun jikkostitwixxi pass pożittiv ħafna għall-Kosovo fit-triq lejn l-integrazzjoni Ewropea; jinnota b'mod pożittiv it-tnaqqis fit-talbiet għall-asil minn ċittadini tal-Kosovo, kemm fl-UE kif ukoll f'pajjiżi assoċjati Schengen, u jilqa' l-introduzzjoni tal-fond u ta' programmi ta' integrazzjoni mill-ġdid għaċ-ċittadini tal-Kosovo li rritornaw; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istaġnar fl-Assemblea uxxenti fir-rigward tar-ratifika tal-ftehim ta' demarkazzjoni mal-Montenegro, u jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-viża tista' tingħata biss ladarba l-Kosovo jissodisfa l-kriterji kollha, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien ta' każistika f'dawk li huma kundanni ta' livell għoli għall-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, li ġie appoġġat bil-kbir mill-mekkaniżmu ta' traċċar tal-IT għal każijiet ta' profil għoli li l-Kosovo juża għal reati ta' livell għoli – mekkaniżmu li jenħtieġ li jiġi estiż ukoll għal każijiet kriminali oħrajn; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jittrattaw kwistjonijiet ta' ħasil tal-flus, traffikar tad-drogi, traffikar ta' bnedmin, kummerċ fl-armi u pussess illegali tal-armi;

9.

Iqis li huwa vitali li l-politika estera u ta' sigurtà tal-Kosovo tiġi allinjata mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE;

10.

Jilqa' l-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-diversi ftehimiet iffirmati minn Awwissu 2016 fil-proċess ta' normalizzazzjoni mas-Serbja, wara xhur ta' ftit li xejn progress; jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet hija essenzjali għall-evoluzzjoni ulterjuri b'suċċess tad-djalogu bejn Pristina u Belgrad; jistieden lill-Kosovo u lis-Serbja juru aktar impenn u rieda politika sostnuta fir-rigward tan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet, u biex iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista' tipperikola l-progress miksub sa issa f'dan il-proċess; ifakkar li din hija kundizzjoni għall-adeżjoni mal-UE; jieħu nota tal-fatt li sar xi progress dwar kwistjonijiet tekniċi oħra bħall-katasti, id-diplomi universitarji u l-pjanċi tar-reġistrazzjoni, u dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-Pont ta' Mitrovica; kien qed isegwi bi tħassib l-iżviluppi dwar il-Pont ta' Mitrovica u jappoġġa l-ftehim reċenti; jilqa' l-allokazzjoni ta' kodiċi telefoniku indipendenti u internazzjonali lill-Kosovo; itenni l-appell tiegħu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex iwettaq evalwazzjoni fuq bażi regolari tal-prestazzjoni tal-partijiet fir-rigward tar-rispett tal-obbligi tagħhom, u biex jirrapporta s-sejbiet tiegħu lill-Parlament Ewropew; jenfasizza li l-ftehimiet milħuqa jenħtieġ li jtejbu l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini komuni; jinnota li l-benefiċċji tad-djalogu mhumiex evidenti għaċ-ċittadini tal-Kosovo u tas-Serbja u jenfasizza l-bżonn tal-akbar trasparenza fil-komunikazzjoni tar-riżultati tad-djalogu, b'mod partikolari fit-Tramuntana tal-Kosovo; jenfasizza l-importanza ta' relazzjonijiet tajba mal-viċinat fir-rigward tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;

11.

Jikkundanna bil-qawwa l-azzjoni li tintbagħat ferrovija nazzjonalista Serba minn Belgrad għat-Tramuntana tal-Kosovo; jesprimi tħassib serju dwar dikjarazzjonijiet ta' propoganda tal-gwerra u retorika kontra l-UE; jinnota d-deċiżjoni tal-qorti ta' Colmar (Franza) li tirrifjuta l-estradizzjoni lejn is-Serbja u l-ħelsien tas-Sur Ramush Haradinaj, li li kien ġie lliberat mill-akkużi mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY) fl-2008 u l-2012 u arrestat fi Franza fl-4 ta' Jannar 2017 fuq il-bażi ta' mandat ta' arrest internazzjonali maħruġ mis-Serbja fl-2004 skont il-liġi tagħha dwar l-Organizzazzjoni u l-Kompetenzi tal-Awtoritajiet tal-Istat fl-ambitu tal-Proċedimenti tad-Delitti tal-Gwerra; jiddispjaċih li din il-liġi minn dak iż-żmien 'l hemm intużat b'mod ħażin għat-tfittxija ta' ċittadini minn pajjiżi li qabel kienu jiffurmaw parti mill-Jugoslavja, kif juri dan l-aħħar każ; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet iżommu lura minn passi provokattivi u retorika inutli li jistgħu jxekklu l-proċess ta' normalizzazzjoni; jistieden lill-UE, il-Kosovo u s-Serbja jiddiskutu dawn il-kwistjonijiet b'mod kostruttiv fil-qafas tan-negozjati għall-adeżjoni mal-UE;

12.

Jinnota li l-Assoċjazzjoni tal-Muniċipalitajiet Serbi għadha ma ġietx stabbilita, li l-istatut korrispondenti għadu ma ġiex abbozzat u li l-istabbiliment tal-assoċjazzjoni huwa responsabbiltà tal-gvern tal-Kosovo; iħeġġeġ lill-Kosovo jistabbilixxi l-assoċjazzjoni mingħajr aktar dewmien, f'konformità mal-ftehim milħuq fil-qafas tad-djalogu ffaċilitat mill-UE u mas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Kosovo; iħeġġeġ f'dan ir-rigward lill-awtoritajiet tal-Kosovo biex jaħtru grupp ta' ħidma ta' livell għoli b'mandat ċar u marbut biż-żmien biex jipproponi statut għal kontribut pubbliku u rieżami parlamentari; jesprimi tħassib dwar il-preżenza kontinwa ta' strutturi paralleli tas-Serbja, inkluż permezz tal-appoġġ finanzjarju kontinwu tagħhom, u jitlob li dawn jiżżarmaw; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati kollha jsibu soluzzjoni fit-tul aċċettabbli u li jista' jaqbel magħha kulħadd għall-istatus taċ-ċentru ta' minjieri Trepca;

13.

Jistieden lill-forzi politiċi jiżguraw li jiġu rispettati l-libertajiet ċivili u s-sigurtà tal-komunità Serba u tal-postijiet ta' qima tagħhom;

14.

Jilqa' t-twaqqif ta' Awli Speċjalizzati għall-Kosovo u ta' Uffiċċju ta' Prosekutur Speċjalizzat fl-Aja bħala pass essenzjali biex jiġu żgurati ġustizzja u rikonċiljazzjoni; jenfasizza li l-ħarsien tax-xhieda huwa kruċjali għas-suċċess tal-Qorti Speċjali, u għalhekk jistieden lill-awtoritajiet jippermettu liċ-ċittadini jibbenefikaw minn din is-sistema mingħajr biża' ta' tpattija; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġaw il-Qorti, inkluż permezz ta' finanzjament xieraq; jilqa' r-rieda tan-Netherlands biex tospita l-Qorti;

15.

Jappella lill-Kosovo biex jindirizza l-kwistjoni ta' persuni nieqsa, inkluż: billi jiggarantixxi b'mod effettiv id-drittijiet tal-proprjetà, jipprojbixxi l-ħtif ta' proprjetajiet u jiggarantixxi r-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid ta' persuni spustati; jistieden lill-Kosovo jiżgura kumpens effettiv għall-vittmi ta' stupru waqt gwerra kif iddikjarat fil-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali; jinnota bi tħassib il-progress kajman fl-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni f'każijiet ta' delitti tal-gwerra, inkluż f'każijiet ta' vjolenza sesswali matul il-gwerra tal-Kosovo 1998-1999, u jħeġġeġ lill-Kosovo jintensifika l-isforzi tiegħu f'dan ir-rigward;

16.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-soċjetà ċivili ma tiġix ikkonsultata regolarment bħala parti mill-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jinsisti fuq il-bżonn li s-soċjetà ċivili tingħata aktar setgħa, u jappella biex tintwera aktar rieda politika biex ikun hemm involviment tas-soċjetà ċivili, u dan billi jiġu implimentati standards minimi għall-konsultazzjoni pubblika;

17.

Jitlob lill-forzi politiċi kollha jiggarantixxu, jirrispettaw, jappoġġaw u jintensifikaw l-isforzi biex jitjieb l-istat tad-dritt, inkluża l-indipendenza tal-ġudikatura, u billi ssir distinzjoni ċara bejn l-aspirazzjoni leġittima tal-poplu tal-Kosovo għal-libertà u l-ġustizzja u l-azzjonijiet ta' individwi li allegatament wettqu delitti tal-gwerra, li għandhom ikunu debitament imħarrka mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti;

18.

Jinnota li l-Ombudsman beda jimplimenta l-liġi dwar l-Ombudsman tal-2015 b'rappurtar miżjud u mtejjeb, u jħeġġeġ l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni sekondarja relatata; jistieden lill-assemblea u lill-gvern tal-Kosovo jiżguraw l-indipendenza finanzjarja, funzjonali u organizzattiva tal-Ombudsman, f'konformità mal-istandards internazzjonali dwar l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-gvern jagħti segwitu għar-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u l-Ombudsman;

19.

Jenfasizza l-ħtieġa għal funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni tal-Ombudsman, u l-ħtieġa li jiġi żgurat li jirċievi r-riżorsi kollha meħtieġa biex iwettaq l-attivitajiet tiegħu;

20.

Jinnota li, filwaqt li sar xi progress fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni għall-funzjonament xieraq tal-ġudikatura, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja xorta waħda għadha kajmana u ineffiċjenti u mxekkla min-nuqqasijiet li fadal tal-leġiżlazzjoni kriminali, il-konvenjenzi politiċi u ekonomiċi, l-indħil politiku, in-nuqqas ta' responsabbiltà u riżorsi finanzjarji u umani limitati, inkluż fl-Uffiċċju għall-Prosekuzzjoni Speċjali; iħeġġeġ lill-Kosovo jindirizza dawn il-kwistjonijiet bħala kwistjoni ta' prijorità sabiex tiġi żgurata ċertezza tad-dritt fir-rigward tad-drittijiet ta' proprjetà ta' investituri barranin; jinnota l-isforzi li saru mill-pulizija u l-uffiċċju tal-prosekutur kontra l-kriminalità organizzata; jirrikonoxxi l-isforzi tal-awtoritajiet kompetenti biex jinvestigaw il-mewt fil-ħabs tas-Sur Astrit Dehari, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jiffinalizzaw l-investigazzjoni;

21.

Jilqa' l-iffirmar ta' ftehim qafas għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-UE, u jinkoraġġixxi biex wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew il-ftehim jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun u b'implimentazzjoni xierqa;

22.

Jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas ta' progress li sar fir-rigward tal-protezzjoni tal-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-midja, kif ukoll dwar iż-żieda fl-indħil politiku u l-pressjoni u l-intimidazzjoni eżerċitati fuq il-midja; jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda fl-għadd ta' theddid dirett u attakki fuq ġurnalisti, kif ukoll dwar l-awtoċensura mifruxa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jirrikonoxxu u jipproteġu bis-sħiħ il-libertà tal-espressjoni f'konformità mal-istandards tal-UE, u jtemmu l-impunità għal attakki kontra l-ġurnalisti, filwaqt li dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja; iħeġġeġ lill-gvern jiggarantixxi l-indipendenza u s-sostenibbiltà tal-midja tas-servizz pubbliku RTK u jintroduċi skema ta' finanzjament adegwata; jitlob l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni soda dwar id-drittijiet tal-awtur u li tiġi żgurata t-trasparenza tas-sjieda tal-midja;

23.

Jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jiżgura li każijiet ta' attakki fiżiċi kontra ġurnalisti u forom oħrajn ta' pressjoni jiġu investigati fil-pront, iħaffef u jsaħħaħ l-aġġudikazzjoni tal-każijiet mill-ġudikatura, ikompli jikkundanna mingħajr tlaqliq l-attakki kollha kontra ġurnalisti u mezzi ta' komunikazzjoni, u jiżgura t-trasparenza fis-sjieda tal-midja biex jiġu miġġielda r-riskji dejjem jiżdiedu ta' pressjoni eċċessiva fuq l-edituri u l-ġurnalisti;

24.

Jilqa' l-ftehim iffirmat mill-Kosovo u s-Serbja fit-30 ta' Novembru 2016 dwar il-passi finali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ġustizzja, milħuq fi ħdan id-Djalogu tad-9 ta' Frar 2015, li se jippermetti lill-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-pajjiż isiru operattivi fit-territorju kollu tal-Kosovo;

25.

Jenfasizza li l-korruzzjoni sistemika tmur kontra l-valuri fundamentali tal-UE tat-trasparenza u l-indipendenza tal-ġudikatura; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-progress kajman ħafna fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u jappella għal sforzi mġedda u rieda politika ċara biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet – kwistjonijiet li min-naħa tagħhom ixekklu progress ekonomiku sinifikanti; jiddispjaċih li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata mhumiex penalizzati f'ċerti żoni tal-Kosovo, b'mod partikolari fit-Tramuntana; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-każistika f'dawk li huma investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni finali għadha dgħajfa u li l-konfiska u s-sekwestru ta' assi kriminali jintużaw rarament, minkejja li dawn huma għodda essenzjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u għaldaqstant jirrakkomanda l-iffriżar fil-pront tal-assi u żieda fl-għadd ta' konfiski finali; iħeġġeġ lill-Aġenzija kontra l-Korruzzjoni tal-Kosovo tieħu approċċ aktar proattiv fl-investigazzjonijiet; jesprimi tħassib li l-partiti politiċi u l-finanzjament tal-kampanji mhumiex koperti kif xieraq minn sorveljanza regolatorja; huwa tal-fehma li l-liġi dwar il-kunflitti ta' interess hemm bżonn li tinġieb f'konformità mal-istandards Ewropej, u li tiġi applikata fil-prattika t-tneħħija effettiva ta' uffiċjali pubbliċi akkużati jew misjuba ħatja ta' reati serji jew marbuta mal-korruzzjoni; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' koordinazzjoni effettiva bejn l-istituzzjonijiet responsabbli għall-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' każijiet ta' korruzzjoni; jesprimi tħassib serju dwar l-involviment ta' gruppi armati kriminali f'attivitajiet kriminali transkonfinali, u jitlob kooperazzjoni diretta u effikaċi bejn il-Kosovo u s-Serbja, kif ukoll bejn il-pajjiżi kollha fir-reġjun, fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jenfasizza li s-sħubija tal-Kosovo mal-Interpol u l-kooperazzjoni mal-Europol jiffaċilitaw dawn l-isforzi;

26.

Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-Kosovo għadu pajjiż ta' ħżin u tranżitu għal drogi qawwijin; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' ħżin sikur għad-drogi maqbuda qabel ma dawn jinqerdu; jesprimi tħassib serju dwar ir-rata baxxa ta' kundanni f'kawżi kontra t-traffikar tal-bnedmin, minkejja li l-Kosovo huwa għajn, tranżitu u destinazzjoni għan-nisa u t-tfal ittraffikati; jinnota bi tħassib l-eżistenza ta' gruppi armati u l-involviment tagħhom f'attivitajiet kriminali organizzati bħat-traffikar tal-armi, kif ukoll l-impunità evidenti li biha huma kapaċi joperaw bejn il-fruntieri;

27.

Jistieden lill-Kosovo jagħmel sforzi ulterjuri biex iwaqqaf il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiżgura t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tan-nisa; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Kosovo jallokaw finanzjament adegwat għall-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali dwar il-vjolenza domestika, li tinkludi mekkaniżmi internazzjonali bħall-Konvenzjoni ta' Istanbul; jilqa' l-appoġġ politiku ta' livell għoli għad-drittijiet tal-persuni LGBTI; jilqa' l-organizzazzjoni tat-tieni “pride parade”, iżda jtenni li għad hemm biża' fost il-komunità LGBTI;

28.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jindirizzaw l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bħala prijorità, u jiżguraw li l-korpi regolatorji u l-awtoritajiet imexxu bl-eżempju; jinsab imħasseb dwar l-isfidi strutturali li jxekklu l-implimentazzjoni tal-liġi dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u jibqa' mħasseb dwar is-sottorappreżentanza tan-nisa f'karigi li jinvolvu t-teħid tad-deċiżjonijiet; iħeġġeġ lill-Kosovo jibqa' jinkoraġġixxi lin-nisa li jkunu qed ifittxu karigi ta' livell għoli; jesprimi tħassib dwar il-livell baxx ta' sjieda ta' proprjetà fost in-nisa, u jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw b'mod attiv li d-drittijiet tal-proprjetà tan-nisa, fosthom id-drittijiet għall-wirt, jiġu garantiti; jilqa' l-adozzjoni ta' strateġija nazzjonali dwar il-vjolenza domestika u jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tagħha sabiex ikun hemm progress fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; itenni r-rabta bejn il-vjolenza sesswali matul il-gwerer u l-kunflitti u n-normalizzazzjoni u l-livelli għolja ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru f'pajjiżi li jkunu għaddew minn kunflitt, meta dawn il-kwistjonijiet ma jiġux indirizzati kif suppost; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinkoraġġixxu pubblikament u jdaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta' protezzjoni u miżuri ta' kenn għan-nisa li ma jibqgħux fommhom sieket u jirrappurtaw il-vjolenza domestika; iħeġġeġ il-ħidma tal-NGOs dwar din il-kwistjoni;

29.

Jinnota, filwaqt li jfaħħar l-istabbiliment ta' Grupp ta' Koordinazzjoni Interministerjali għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2016, li hemm bżonn li jsiru aktar sforzi biex jiġu protetti d-drittijiet tal-minoranzi kollha fil-Kosovo, inklużi l-komunitajiet Rom, Ashkali, Eġizzjani u Gorani, u dan permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni rilevanti u l-allokazzjoni ta' riżorsi suffiċjenti; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali kompetenti jwettqu bħala kwistjoni ta' prijorità l-miżuri leġiżlattivi u prattiċi neċessarji kollha biex tiġi limitata d-diskriminazzjoni, u biex jaffermaw id-drittijiet tad-diversi minoranzi etniċi, inklużi d-drittijiet kulturali, lingwistiċi u tal-proprjetà, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' soċjetà multietnika; jistieden lill-Kosovo jiżgura li r-rifuġjati li jirritornaw, li ħafna minnhom huma Rom, jiġu integrati bis-sħiħ u jerġgħu jingħataw drittijiethom bħala ċittadini, biex b'hekk tintemm l-apolidija; jistieden lill-Kosovo jadotta strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda għall-integrazzjoni tal-komunitajiet Rom, Ashkali u Eġizzjani;

30.

Jilqa' ż-żieda fl-isforzi għall-għelib, il-ġlieda u l-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni, u jirrikonoxxi l-ħidma importanti mwettqa mill-Kosovo f'dan il-qasam; jinnota li għadd kbir ta' ġellieda barranin irritornaw lejn il-Kosovo u jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li dawn jiġu mmonitorjati u mħarrka, u biex jistabbilixxu approċċ komprensiv permezz ta' politiki effikaċi għall-prevenzjoni, id-deradikalizzazzjoni u, fejn ikun il-każ, l-integrazzjoni mill-ġdid; jappella għal aktar identifikazzjoni, prevenzjoni u qtugħ tal-fluss ta' ġellieda barranin u ta' flejjes li ma jistgħux jiġu rintraċċati maħsuba għar-radikalizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' programmi komunitarji effettivi li jindirizzaw l-ilmenti li jinstigaw l-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni, u biex jinbnew relazzjonijiet li jippromwovu t-tolleranza u d-djalogu;

31.

Jilqa' t-titjib fil-qagħda ekonomika u ż-żieda fid-dħul mit-taxxa li qed jagħmlu aktar riżorsi disponibbli għall-gvern biex iwettaq il-politiki tiegħu; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, dwar is-sostenibbiltà tal-baġit tal-Kosovo fir-rigward, b'mod partikolari, tal-ammont ta' benefiċċji allokati lill-veterani tal-gwerra, u jitlob li jkun hemm riforma tal-liġi rilevanti f'dan ir-rigward kif miftiehem mal-Fond Monetarju Internazzjonali; itenni li riformi strutturali soċjoekonomiċi huma kruċjali biex jiġi appoġġat it-tkabbir fit-tul; jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ l-industrija lokali bħala kwistjoni ta' urġenza, filwaqt li jkun hemm enfasi fuq il-kompetittività ta' prodotti manifatturati lokalment sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw l-istandards tal-importazzjoni tal-UE; jinsab imħasseb dwar id-dipendenza fuq ir-rimessi tal-migranti; jesprimi tħassib dwar it-teħid ta' deċiżjonijiet ta' finanzjament ad hoc, li qed jimmina l-istabbiltà li għandhom bżonn in-negozji; itenni l-ħtieġa li titħaffef ir-reġistrazzjoni ta' negozji ġodda, li attwalment huma mxekkla minn amministrazzjoni mingħajr obbligu ta' rendikont, infrastruttura sottożviluppata, stat tad-dritt dgħajjef u korruzzjoni; iħeġġeġ lill-Kosovo jsegwi r-rakkomandazzjonijiet li rriżultaw mill-valutazzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar tal-UE u li jiġu introdotti valutazzjonijiet tal-impatt regolatorji biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-SMEs, u jistieden lill-Kummissjoni żżid l-assistenza lill-SMEs; jistieden lill-Kosovo jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Programm ta' Riforma Ekonomika 2016-2018 u l-Aġenda Ewropea għar-Riforma mnedija fil-11 ta' Novembru 2016;

32.

Jinnota bi tħassib ir-rata għolja ta' qgħad, speċjalment il-qgħad fost iż-żgħażagħ, u jesprimi tħassib dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-suq tax-xogħol, speċjalment fil-proċess ta' reklutaġġ; jistieden lill-Kosovo jintensifika l-isforzi tiegħu sabiex iżid il-livell tal-impjieg u jtejjeb il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa li ssir enfasi fuq it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni, inkluż billi jitjieb it-taħriġ tal-għalliema, u b'hekk tiġi appoġġata t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol u l-kompetenzi edukattivi jitlaqqgħu mal-ħtiġijiet tal-impjiegi, li jikkostitwixxi pass essenzjali fil-ġlieda kontra r-rata għolja ħafna ta' qgħad fost iż-żgħażagħ; jitlob li jsiru aktar sforzi biex tiżdied l-edukazzjoni konġunta tal-komponenti kollha tas-soċjetà tal-Kosovo; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-mekkaniżmi ta' infurzar, b'mod partikolari l-ispettorati tax-xogħol u l-qrati, u biex jissaħħaħ id-djalogu, permezz tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-Kosovo, bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u s-sħab soċjali; jilqa' l-konklużjonijiet tas-summit ta' Pariġi tal-2016 u l-istabbiliment tal-ewwel Uffiċċju tal-Kooperazzjoni Reġjonali fost iż-Żgħażagħ;

33.

Jiddispjaċih dwar il-pass kajman tal-isforzi tal-Kosovo rigward il-bini ta' kapaċità amministrattiva adegwata u effiċjenti, li qed jimpedixxi lill-pajjiż milli jimplimenta bis-sħiħ il-liġijiet adottati u juża l-fondi tal-UE b'mod effikaċi; jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar il-korruzzjoni endemika, l-indħil politiku u l-politiċizzazzjoni ta' persunal fl-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha, kif ukoll dwar ħatriet f'diversi istituzzjonijiet u aġenziji indipendenti li ma jsirux b'mod suffiċjenti fuq kriterji professjonali, iżda fuq il-bażi ta' affiljazzjoni politika; jitlob li jsiru aktar sforzi biex ikun żgurat reklutaġġ meritokratiku, li huwa neċessarju għal garanzija ta' amministrazzjoni pubblika effikaċi, effiċjenti u professjonalment indipendenti; jappella biex isiru investigazzjonijiet dwar l-allegazzjoni reċenti ta' ndħil politiku fir-reklutaġġ u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet f'korpi pubbliċi;

34.

Jinnota li l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti għal applikazzjonijiet għal kwalunkwe tip ta' kuntratt taħt il-finanzjament tal-IPA huma tant diffiċli li kumpaniji Kosovari jew reġjonali spiss ma jkunux jistgħu japplikaw għalihom, u jitlob, għal dan l-għan, li tingħata attenzjoni speċjali għall-għoti ta' gwida u istruzzjonijiet lill-partijiet interessati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jidderieġu l-assistenza li fadal, li għadha ma ġietx ipprogrammata, lejn proġetti b'impatt aktar dirett fuq l-ekonomija tal-Kosovo;

35.

Jilqa' l-estensjoni tal-mandat tal-EULEX Kosovo u jħeġġeġ lill-Kosovo jkompli jikkoopera b'mod attiv għall-eżekuzzjoni sħiħa u bla xkiel tal-mandat tal-EULEX; jappella biex l-UE tkompli bl-isforzi tagħha sabiex jissaħħu ulterjorment is-sistemi indipendenti tal-ġustizzja, il-pulizija u d-dwana lil hinn mill-2018 bil-għan li l-Kosovo jieħu sjieda sħiħa ta' dawn il-funzjonijiet; jitlob li jkun hemm tranżizzjoni bla xkiel u effiċjenti tal-każijiet ġudizzjarji ttrattati minn prosekuturi tal-EULEX lill-prosekuturi nazzjonali, b'salvagwardji xierqa li jiggarantixxu li l-vittmi ta' ksur imwettaq fil-passat ikollhom aċċess għall-verità, il-ġustizzja u r-riparazzjoni;

36.

Jinnota t-tmiem tal-investigazzjoni kriminali dwar l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fil-missjoni EULEX; jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu dwar il-fatt li l-uffiċjali tal-UE involuti ġew meħlusa minn kull għemil ħażin; jistieden lill-EULEX tiżgura aktar effikaċja, trasparenza sħiħa u responsabbiltà akbar fir-rigward tal-missjoni tul il-mandat tagħha, u li timplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha li saru mill-espert indipendenti Jean-Paul Jacqué fir-rapport tiegħu tal-2014;

37.

Jinnota li s'issa, il-Kosovo għad mhuwiex rotta ewlenija ta' tranżitu għal rifuġjati u migranti li jivvjaġġaw fuq ir-'rotta tal-Balkani tal-Punent'; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jiżguraw li dawk li jkunu għaddejjin jiġu ttrattati skont id-dritt Ewropew u internazzjonali, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1951; itenni li l-finanzjament, fost dispożizzjonijiet oħra fl-intestatura IPA II, jenħtieġ li jkun disponibbli u lest biex jiġi mobilizzat u implimentat b'rapidità u b'effikaċja fi żminijiet ta' kriżi u ta' bżonn;

38.

Jilqa' l-fatt li bosta siti reliġjużi u kulturali Serbi li sfortunatament inqerdu fl-2004, ġew rinnovati b'finanzjament pubbliku tal-Kosovo, kif seħħ fir-rigward tal-Katidral Ortodoss; jirrikonoxxi l-impenn tal-Kosovo biex jipproteġi siti ta' wirt kulturali, u jistieden lill-awtoritajiet jimplimentaw il-konvenzjonijiet kollha tan-NU dwar il-wirt kulturali fil-livelli kollha, ikun xi jkun l-istatus tal-Kosovo fir-rigward tal-UNESCO, permezz tal-adozzjoni ta' strateġija xierqa u ta' leġiżlazzjoni nazzjonali, u jiżguraw il-protezzjoni adegwata u l-ġestjoni tas-siti ta' wirt kulturali fil-Kosovo kollu; jilqa', f'dan ir-rigward, il-programm iffinanzjat mill-UE mmirat lejn il-protezzjoni u r-rikostruzzjoni ta' siti ta' wirt kulturali żgħar, bil-ħsieb li jitrawwem id-djalogu interkulturali u interreliġjuż fil-muniċipalitajiet multietniċi kollha; itenni l-ħtieġa li jiġi adottat l-abbozz ta' liġi dwar il-libertà tar-reliġjon, u li dan jenħtieġ li jinkorpora r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar din il-kwistjoni;

39.

Jilqa' bil-ħerqa d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-għoti tal-istatus ta' osservatur lill-Kosovo fl-Assemblea Parlamentari tiegħu minn Jannar 2017 fir-rigward tas-sessjonijiet relatati mal-Kosovo; jappoġġa l-isforzi tal-Kosovo biex jintegra fil-komunità internazzjonali; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm parteċipazzjoni tal-Kosovo fl-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kollha u jħeġġeġ lis-Serbja ma tibqax tindaħal f'dan il-proċess;

40.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jadottaw strateġija kredibbli fit-tul dwar l-enerġija u qafas leġiżlattiv ibbażat fuq l-effiċjenza enerġetika, id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli; jenfasizza l-ħtieġa li titkompla l-ħidma lejn grilji tal-elettriku affidabbli u biex is-settur tal-enerġija jsir aktar sostenibbli, kemm f'termini ta' sigurtà kif ukoll ta' standards ambjentali; jistieden lill-awtoritajiet jiffirmaw il-Memorandum ta' Qbil tal-Balkani tal-Punent 6 dwar l-iżvilupp tas-suq reġjonali tal-elettriku, u dwar it-twaqqif ta' qafas għal kollaborazzjoni futura ma' pajjiżi oħra; jenfasizza li fl-2017 il-Kosovo se jkollu l-presidenza tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija, u jfakkar lill-awtoritajiet fl-obbligu ġuridiku tal-Kosovo skont dan it-trattat li jiżgura li 25 % tal-elettriku kollu jiġi minn sorsi rinnovabbli sal-2020; jistieden lill-gvern jirrispetta l-ftehim dwar id-dekummisjonament tal-impjant tal-elettriku Kosovo A u t-tiġdid tal-impjant tal-elettriku Kosovo B, bl-użu tas-EUR 60 miljun allokati għal dan l-għan mill-UE fi ħdan il-qafas tal-fondi tal-IPA; jitlob li jkun hemm strateġija tal-idroenerġija għar-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent;

41.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-livell allarmanti ta' tniġġis tal-arja fil-Kosovo, b'mod partikolari fiż-żona urbana ta' Pristina, u jitlob lill-awtoritajiet lokali u tal-istat biex b'mod urġenti jieħdu miżuri adegwati biex jittrattaw din l-emerġenza; jenfasizza li l-istrateġija nazzjonali dwar il-kwalità tal-arja hemm bżonn li tiġi infurzata kif xieraq; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-ġestjoni tal-iskart tibqa' waħda mill-problemi l-aktar viżibbli fil-Kosovo u li l-leġiżlazzjoni attwali ma tindirizzax bis-sħiħ din l-isfida;

42.

Jilqa' t-tnedija tal-proġett ta' konnettività ferrovjarja ġdida għall-Kuritur Orjent/Mediterran tal-Lvant, li jinkludi linji ġodda u stazzjonijiet tal-ferrovija fil-Kosovo u jikkostitwixxi l-uniku konnessjoni tal-Kosovo għar-reġjun tal-madwar; jistieden lill-gvern tal-Kosovo jappoġġa bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-proġett;

43.

Jilqa' l-isforzi li saru mill-Kummissjoni sabiex tiġi żblukkata l-grilja ta' interkonnessjoni tal-elettriku bejn l-Albanija u l-Kosovo, li ilha mblukkata għal xahar mis-Serbja, u jappella għal kooperazzjoni kostruttiva bejn l-awtoritajiet tal-elettriku Serbi u Kosovari; ifakkar lis-Serbja li l-iskadenza stabbilita mill-Komunità tal-Enerġija biex jitneħħa l-imblokk kienet il-31 ta' Diċembru 2016 l-aktar tard;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ħidmietha fi kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni flimkien mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, b'mod li tiżgura l-konformità man-normi u l-istandards Ewropej u internazzjonali; jilqa' l-ħidma li saret sa issa f'dan ir-rigward;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi ulterjuri biex tappoġġa proċess ta' rikonċiljazzjoni ġenwin fir-reġjun, partikolarment permezz ta' appoġġ għal proġetti kulturali li jittrattaw il-passat reċenti u l-promozzjoni ta' fehim komuni u kondiviż tal-istorja u kultura pubblika u politika ta' tolleranza, inklużjoni u rikonċiljazzjoni;

46.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna kif ukoll lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kosovo.

18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/88


P8_TA(2017)0263

Rapport 2016 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2016/2310(INI))

(2018/C 331/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra (1),

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas konkluż f'Ohrid u ffirmat fi Skopje fit-13 ta' Awwissu 2001 (Ftehim Qafas ta' Ohrid, “l-OFA”),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 li jagħti lill-pajjiż l-istatus ta' kandidat għal sħubija fl-UE, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2008, il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2008, Diċembru 2012, Diċembru 2014 u Diċembru 2015, u l-konklużjonijiet tal-Presidenza tat-13 ta' Diċembru 2016, li ġew appoġġati mill-maġġoranza l-kbira tad-delegazzjonijiet u li tennew l-impenn qawwi u inekwivokabbli fil-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiż mal-UE,

wara li kkunsidra t-13-il laqgħa tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-pajjiż u l-Kummissjoni, li saret fi Skopje fil-15 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2016 bit-titolu “Il-Politika tat-Tkabbir tal-UE” (COM(2016)0715), akkumpanjata mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Rapport tal-2016 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja” (SWD(2016)0362),

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ta' Ġunju 2016 dwar l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja,

wara li kkunsidra l-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti tal-Kummissjoni għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ta' Ġunju 2015,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar Kwistjonijiet Sistematiċi tal-Istat tad-Dritt fir-rigward tal-interċettazzjoni ta' komunikazzjonijiet żvelata fir-rebbiegħa tal-2015,

wara li kkunsidra l-ftehim politiku (l-hekk imsejjaħ “Ftehim ta' Pržino”) li ntlaħaq bejn l-erba' partiti politiċi ewlenin fi Skopje fit-2 ta' Ġunju u l-15 ta' Lulju 2015, u l-ftehim bejn l-erba' partijiet dwar l-implimentazzjoni tiegħu tal-20 ta' Lulju u l-31 ta' Awwissu 2016,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tal-President tas-Summit dwar il-Balkani tal-Punent, li sar f'Pariġi fl-4 ta' Lulju 2016 kif ukoll ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili għas-Summit ta' Pariġi tal-2016,

wara li kkunsidra s-sejbiet u l-konklużjonijiet preliminari, kif ukoll ir-rapport finali tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjoni parlamentari preċedenti tal-11 ta' Diċembru 2016,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 817 (1993) u 845 (1993) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, kif ukoll ir-riżoluzzjoni 47/225 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-Ftehim Interim tat-13 ta' Settembru 1995,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar l-Applikazzjoni tal-Ftehim Interim tat-13 ta' Settembru 1995,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0055/2017),

A.

billi, wara li ġiet posposta darbtejn, l-elezzjoni parlamentari bikrija fl-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja saret fil-11 ta' Diċembru 2016 f'atmosfera kalma u normali, f'konformità mal-istandards internazzjonali u skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR; billi saret mingħajr inċidenti kbar, kienet ġeneralment amministrata sew u l-ammont ta' votanti kien kbir;

B.

billi r-riformi u l-preparazzjonijiet għall-adeżjoni qed jiġu mxekkla minn polarizzazzjoni politika, nuqqas kbir ta' fiduċja reċiproka u nuqqas ta' djalogu ġenwin bejn il-partijiet; billi jista' jiġi osservat rigress b'mod kontinwu f'xi żoni importanti; billi d-demokrazija u l-istat tad-dritt kontinwament ġew sfidati, b'mod partikolari bħala riżultat ta' manipulazzjoni tal-istat li taffettwa l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-oqsma ewlenin tas-soċjetà;

C.

billi, fis-27 ta' April 2017, Talat Xhaferi ġie elett bħala l-Ispeaker il-ġdid tal-Parlament tal-Maċedonja; billi, fis-17 ta' Mejju 2017, il-President tar-Repubblika tal-Maċedonja ta l-mandat lill-kap tal-SDSM, Zoran Zaev, biex jifforma gvern ġdid; billi, fil-31 ta' Mejju 2017, il-gvern il-ġdid immexxi mill-Prim Ministru Zoran Zaev ġie approvat mill-Parlament tal-Maċedonja;

D.

billi xi wħud mill-kwistjonijiet ewlenin fil-proċess ta' riforma jinkludu riforma tal-ġudikatura, l-amministrazzjoni pubblika u l-midja, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u rieżami tal-implimentazzjoni tal-OFA;

E.

billi huwa meħtieġ impenn serju mill-forzi politiċi kollha sabiex il-pajjiż ikompli jaħdem favur l-integrazzjoni fl-UE u d-direzzjoni Ewro-Atlantika; billi gvern ġdid għandu bżonn jadotta u jimplimenta bis-sħiħ riformi robusti kkaratterizzati minn riżultati konkreti, partikolarment fl-oqsma tal-istat tad-dritt, il-ġustizzja, il-korruzzjoni, id-drittijiet fundamentali, l-affarijiet interni u r-relazzjonijiet tajba tal-viċinat;

F.

billi hemm fehim komuni bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament li ż-żamma tar-rakkomandazzjoni pożittiva biex jinfetħu n-negozjati dwar l-adeżjoni għadha dipendenti fuq/subordinata għal progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pržino u progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti;

G.

billi l-Kunsill qed jimblokka l-progress minħabba l-kwistjoni mhux solvuta dwar l-isem mal-Ġreċja; billi l-kwistjonijiet bilaterali jenħtieġ li ma jintużawx bħala skuża biex ifixklu l-bidu rapidu tan-negozjati mal-UE;

H.

billi t-tilwim bilaterali jenħtieġ li ma jintużax biex ixekkel il-proċess ta' adeżjoni mal-UE, u lanqas il-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni, iżda jenħtieġ li jiġi indirizzat fi spirtu kostruttiv u f'konformità mal-istandards tal-UE u tan-NU; billi jenħtieġ li jsiru l-isforzi kollha biex jinżammu relazzjonijiet tajbin fil-viċinat u interetniċi;

I.

billi l-pajjiżi kandidati (potenzjali) jiġu ġġudikati fuq il-merti tagħhom stess, u r-rapidità u l-kwalità tar-riformi meħtieġa jiddeterminaw il-kalendarju għall-adeżjoni; billi jenħtieġ li jiġi garantit il-ftuħ ta' negozjati dwar l-adeżjoni wara li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa; billi l-pajjiż tqies għal bosta snin bħala wieħed mill-aktar pajjiżi kandidati avvanzati f'termini ta' allinjament mal-acquis;

J.

billi l-proċess tal-adeżjoni mal-UE huwa inċentiv ewlieni għal aktar riformi, b'mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-libertà tal-midja; billi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin fil-viċinat huma elementi essenzjali tal-proċess tat-tkabbir, il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiż;

K.

billi fl-20 ta' Lulju u l-31 ta' Awwissu 2016 il-mexxejja tal-erba' partiti politiċi ewlenin laħqu ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pržino, li kien jinkludi l-istabbiliment tal-11 ta' Diċembru 2016 bħala d-data għal elezzjoni parlamentari bikrija u biex jiddikjaraw l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tal-Prosekutur Speċjali; billi huma tennew ukoll l-impenn tagħhom biex jimplimentaw l-“Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti”;

L.

billi l-kriżi politika reċenti wriet in-nuqqas ta' sistema effettiva ta' kontrokontrolli fl-istituzzjoinjiet tal-Maċedonja u l-ħtieġa li jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabilità pubblika;

M.

billi l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni għadha fundamentali sabiex tiġi miġġielda l-infiltrazzjoni kriminali tas-sistemi politiċi, ġuridiċi u ekonomiċi;

1.

Jilqa' l-formazzjoni ta' gvern ġdid fil-31 ta' Mejju 2017; iħeġġeġ lill-partiti politiċi kollha biex jaġixxu fi spirtu ta' rikonċiljazzjoni, fl-interess komuni taċ-ċittadini kollha u jaħdmu mal-gvern biex terġa' tiġi restawrata l-fiduċja fil-pajjiż u fl-istituzzjonijiet tiegħu, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Przino u tal-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti;

2.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rispett għal-libertajiet fundamentali muri matul l-elezzjoni bikrija fil-11 ta' Diċembru 2016, li kienet amministrata sew, saret b'mod trasparenti u inklużiv u mingħajr inċidenti kbar; jinnota li l-OSKE/ODIHR ikkunsidrat li l-elezzjoni kienet kompetittiva; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-partiti politiċi kollha aċċettaw ir-riżultati tagħha fl-interess tal-istabilità domestika u jenfasizza r-responsabilità tagħhom li jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda rigress fi kriżi politika; jistieden lill-partijiet kollha biex iżommu lura milli b'xi mod jostakolaw il-funzjonament effettiv tal-parlament; iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid biex jipproċedi malajr bir-riformi neċessarji, biex tiġi żgurata l-integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-pajjiż u biex titmexxa 'l quddiem il-perspettiva Ewropea tiegħu għall-benefiċċju taċ-ċittadini; iqis li l-kooperazzjoni bejn il-partiti u interetnika hija essenzjali għall-indirizzar tal-isfidi urġenti interni u dawk relatati mal-UE, u għaż-żamma tar-rakkomandazzjoni pożittiva biex jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni mal-UE;

3.

Jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib fil-proċess elettorali, inkluż il-qafas ġuridiku, il-lista tal-votanti u l-kopertura tal-midja; jilqa' l-fatt li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili osservaw l-elezzjoni fil-biċċa l-kbira tal-postijiet tal-votazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw b'mod effettiv l-allegati irregolaritajiet u nuqqasijiet, inklużi l-intimidazzjoni tal-votanti, ix-xiri ta' voti, u l-użu ħażin ta' riżorsi amministrattivi, il-pressjoni politika fuq il-midja, kif ukoll il-lingwa ta' konfrontazzjoni u l-attakki verbali fuq il-ġurnalisti, anke fil-perspettiva tal-elezzjoni lokali f'Mejju 2017; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-OSKE/ODIHR u l-Kummissjoni ta' Venezja u biex jistabbilixxu rekord kredibbli ta' skrutinju effettiv tal-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanja elettorali; jenfasizza l-ħtieġa ta' iktar trasparenza u depolitiċizzazzjoni tal-ħidma tal-amministrazzjoni elettorali sabiex tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fl-elezzjonijiet futuri;

4.

Iqis li huwa importanti li jitwettaq ċensiment tal-popolazzjoni (l-aħħar ċensiment sar fl-2002), sakemm ikun hemm qbil madwar il-pajjiż dwar il-metodoloġija li għandha tiġi applikata, sabiex tinkiseb stampa realistika u aġġornata tad-demografija tal-popolazzjoni tal-Maċedonja, biex jiġu ssodisfati aħjar il-ħtiġijiet ta' u jiġu offruti servizzi liċ-ċittadini tal-Maċedonja, u tkompli tiġi aġġornata l-lista tal-votanti u jitnaqqsu kwalunkwe irregolaritajiet u nuqqasijiet fil-ġejjieni;

5.

Jistenna li l-gvern il-ġdid, bħala l-ewwel prijorità, f'kooperazzjoni ma' partiti oħra, jaċċellera r-riformi relatati mal-UE; itenni l-appoġġ tiegħu għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni, li jiddependi fuq il-progress tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pržino biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni sħiħa, tanġibbli u sostenibbli tiegħu u progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti dwar riformi sistemiċi; jistieden lill-Kunsill biex jindirizza l-kwistjoni tan-negozjati dwar l-adeżjoni mill-aktar fis possibbli; jibqa' konvint li n-negozjati jistgħu jiġġeneraw ir-riformi tant meħtieġa, joħolqu dinamika ġdida, jagħtu ħajja mill-ġdid lill-perspettiva Ewropea u jinfluwenzaw b'mod pożittiv ir-riżoluzzjoni ta' tilwim bilaterali sabiex ma jfixkilx il-proċess ta' adeżjoni mal-UE;

6.

Jenfasizza l-importanza strateġika ta' aktar progress fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE u jitlob għal darb'oħra li jintwerew ir-rieda politika u s-sjieda mill-partijiet kollha fl-implimentazzjoni sħiħa tal-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti u l-Ftehim ta' Pržino; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pržino hija importanti ħafna wkoll wara l-elezzjoni biex jiżgura l-istabilità u s-sostenibilità politika fil-ġejjieni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, mill-aktar fis possibbli iżda qabel tmiem l-2017, il-progress tal-pajjiż fl-implimentazzjoni u tirrapporta lura lill-Parlament u lill-Kunsill; filwaqt li jfakkar li jeħtieġ li jitniedu u jiġu implimentati r-riformi li misshom ilhom li ttieħdu, jappoġġa l-kontinwazzjoni tad-Djalogu ta' Livell Għoli dwar l-Adeżjoni ħalli jgħin lill-pajjiż b'mod sistematiku f'dan ir-rigward; jiddispjaċih li l-ebda laqgħa ma saret taħt id-Djalogu ta' Livell Għoli dwar l-Adeżjoni u li ftit li xejn kien hemm progress fl-ilħuq tal-miri preċedenti; jiġbed l-attenzjoni għall-konsegwenzi politiċi, ta' sigurtà u soċjoekonomiċi negattivi potenzjali ta' dewmien ulterjuri fil-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-pajjiż; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex iżidu l-viżibilità tal-proġetti ffinanzjati mill-UE fil-pajjiż sabiex l-UE toqrob lejn iċ-ċittadini tal-pajjiż;

7.

Jenfasizza l-progress sinifikanti li għamel il-pajjiż fil-proċess ta' integrazzjoni fl-UE u jenfasizza l-konsegwenzi negattivi ta' dewmien ulterjuri tal-proċess ta' integrazzjoni, inkluża t-theddida għall-kredibilità tal-politika ta' tkabbir tal-UE u r-riskju ta' instabilità fir-reġjun;

8.

Jirrimarka li l-isfidi attwali li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea (Brexit, il-migrazzjoni, ir-radikaliżmu, eċċ.) jenħtieġ li ma jxekklux il-proċess ta' tkabbir, iżda pjuttost li dawn l-isfidi wrew il-ħtieġa li jiġu integrati bis-sħiħ il-Balkani tal-Punent fl-istrutturi tal-UE biex tissaħħaħ u tiġi approfondita s-sħubija u jingħelbu l-kriżijiet internazzjonali;

9.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-livell għoli ta' allinjament leġiżlattiv mal-acquis communautaire u jirrikonoxxi l-prijorità mogħtija lill-implimentazzjoni effettiva u l-infurzar ta' oqfsa ġuridiċi u politiċi eżistenti, bħal fil-każ ta' pajjiżi li diġà huma impenjati fin-negozjati tal-adeżjoni;

10.

Jifraħ lill-pajjiż dwar it-tkomplija tal-issodisfar tal-impenji tiegħu taħt l-FSA; jistieden lill-Kunsill biex jadotta l-proposta tal-Kummissjoni tal-2009 biex jimxi għat-tieni stadju tal-FSA, b'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti;

11.

Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex juru r-rieda politika u r-responsabilità biex jingħelbu l-ambjent politiku diviżiv, il-polarizzazzjoni u n-nuqqas ta' kultura ta' kompromess u biex jinvolvu ruħhom mill-ġdid fi djalogu; jenfasizza għal darb'oħra r-rwol ewlieni tal-parlament fl-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż u bħala l-forum għad-djalogu politiku u r-rappreżentanza politika; jitlob li l-funzjonijiet ta' sorveljanza jiġu msaħħa u li jiġu stabbiliti limiti fuq il-prattika ta' bidliet leġiżlattivi frekwenti għal-liġijiet u l-użu ta' proċeduri mqassra għall-adozzjoni, mingħajr biżżejjed konsultazzjoni jew valutazzjoni tal-impatt; iħeġġeġ l-operazzjoni bla xkiel tal-kumitati parlamentari fuq l-interċettazzjoni ta' komunikazzjonijiet u fuq is-sigurtà u l-kontrospjunaġġ, u l-aċċess bla xkiel tagħhom għad-data u t-testimonjanzi meħtieġa sabiex jiġi pprovdut kontroll parlamentari kredibbli fuq is-servizzi rilevanti; jirrikonoxxi r-rwol kostruttiv li għandha s-soċjetà ċivili fl-appoġġ u t-titjib tal-proċessi demokratiċi;

12.

Jinnota xi progress fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika inklużi l-passi biex jiġi implimentat il-qafas ġuridiku ġdid dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani; jappella għal aktar impenn biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni; jibqa' mħasseb dwar l-amministrazzjoni pubblika politiċizzata u minħabba li l-impjegati taċ-ċivil huma soġġetti għal pressjoni politika; iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid biex juri impenn politiku qawwi biex jitjiebu l-professjonaliżmu, il-mertu, in-newtralità u l-indipendenza fil-livelli kollha permezz tal-implimentazzjoni tal-programmi ġodda ta' reklutaġġ abbażi tal-mertu u l-proċedura ta' evalwazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li titlesta l-istrateġija għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika 2017-2022, inkluż billi jsiru biżżejjed allokazzjonijiet tal-baġit għall-implimentazzjoni tagħha, u li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva rilevanti; jitlob lill-gvern li jmiss biex jistabbilixxi linji ta' responsabilità trasparenti u effettivi bejn u fi ħdan l-istituzzjonijiet; jirrakkomanda li l-komunitajiet kollha jkunu rrappreżentati b'mod ġust fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika;

13.

Jirrakkomanda li l-gvern li jmiss jiżviluppa strateġija komprensiva dwar il-governanza elettronika flimkien ma' aktar żvilupp tas-servizzi elettroniċi għaċ-ċittadini u n-negozji sabiex inaqqsu l-piż burokratiku għall-istat, għaċ-ċittadini u għan-negozji; jenfasizza li l-governanza elettronika u s-servizzi elettroniċi jtejbu l-prestazzjoni ekonomika tal-pajjiż u jżidu t-trasparenza u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi pubbliċi; jenfasizza d-dritt taċ-ċittadini għall-aċċess għall-informazzjoni pubblika u jappella għal aktar sforzi biex jiġi żgurat li dan id-dritt bl-ebda mod ma jkun ostakolat; iħeġġeġ is-sejba ta' soluzzjonijiet elettroniċi innovattivi sabiex ikun żgurat aċċess faċli għall-informazzjoni pubblika u biex titnaqqas il-burokrazija relatata;

14.

Jiddeplora r-rigress kontinwu fir-riforma tal-ġudikatura, li jenħtieġ li tiġi mħeġġa sabiex taħdem b'mod indipendenti; jiddeplora l-interferenza politika rikorrenti fil-ħidma tagħha, inkluż fil-ħatra u l-promozzjoni tal-imħallfin u l-prosekuturi, kif ukoll in-nuqqas ta' responsabilità u l-każijiet ta' ġustizzja selettiva; għal darb'oħra jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw b'mod effettiv il-kwistjonijiet pendenti kif identifikati fil-'Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti' u biex juru rieda politika biex isir progress fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja, inkluż permezz tat-titjib fil-liġi u fil-prattika, it-trasparenza fil-proċeduri ta' ħatra u promozzjoni u billi jitnaqqas it-tul tal-proċedimenti fil-qorti; jirrikonoxxi li saru xi sforzi biex tittejjeb it-trasparenza; jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet jiżguraw il-professjonalità tal-Kunsill Ġudizzjarju u tal-Kunsill tal-Prosekuturi u l-indipendenza funzjonali tas-sistema ġudizzjarja kollha kemm hi;

15.

Itenni l-importanza ta' investigazzjoni komprensiva u indipendenti, mingħajr xkiel, dwar l-allegazzjonijiet ta' azzjonijiet ħżiena li nkixfu bl-interċettazzjonijiet telefoniċi u n-nuqqasijiet relatati tas-sorveljanza; ifakkar fl-importanza tal-mandat u l-ħidma kemm tal-Prosekutur Speċjali kif ukoll tal-Kumitat Parlamentari ta' Inkjesta li jinvestigaw ir-responsabilità ġuridika u r-responsabilità politika, rispettivament; jinnota li l-Prosekutur Speċjali qajjem l-ewwel akkużi kriminali dwar in-nuqqasijiet li jirriżultaw mill-interċettazzjoni telefonika;

16.

Huwa mħasseb dwar l-attakki politiċi kontra u l-ostakli amministrattivi u ġudizzjarji għall-ħidma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali u n-nuqqas ta' kooperazzjoni minn istituzzjonijiet oħra; ifakkar lill-qrati kriminali li ma jirrispondux għal talbiet uffiċjali mill-Istati tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali li għandhom obbligu legali biex jgħinuh; iqis li huwa essenzjali għall-proċess demokratiku li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali jkun jista' jwettaq il-funzjonijiet kollha tiegħu u jwettaq investigazzjonijiet bir-reqqa b'awtonomija sħiħa, mingħajr xkiel u bil-mezzi neċessarji; jitlob li jingħata appoġġ sħiħ lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali u l-kondizzjonijiet u ż-żmien meħtieġ biex titlesta l-ħidma importanti tiegħu; jitlob li jintemmu l-ostakli fil-qrati kontra r-riferiment ta' provi lill-Prosekutur Speċjali, u li jiġu appoġġati emendi fil-liġi bl-għan li tiġi żgurata l-awtorità awtonoma tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni tax-xhieda f'każijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu; jemmen bis-sħiħ li r-riżultati tal-investigazzjonijiet jikkostitwixxu pass importanti lejn il-kisba mill-ġdid tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet nazzjonali; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu adottati emendi għal-Liġi dwar il-Protezzjoni tax-Xhieda;

17.

Jibqa' mħasseb li l-korruzzjoni għadha problema serja u li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni qed tiġi mminata mill-interferenza politika; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm rieda politika qawwija biex din tiġi indirizzata; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-indipendenza tal-pulizija, il-prosekuzzjoni u l-Kummissjoni Statali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni; jitlob li tittieħed azzjoni biex titjieb it-trasparenza u biex jiġu żgurati għażla u ħatra abbażi tal-mertu tal-membri tal-Kummissjoni Statali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni; jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex isiru sforzi li jiżguraw il-prevenzjoni u s-sanzjoni effikaċi tal-kunflitti ta' interess u li jiġi stabbilit rekord kredibbli dwar il-korruzzjoni f'livell għoli, inklużi l-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku dwar il-protezzjoni tal-informaturi f'konformità mal-istandards Ewropej, il-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; iħeġġeġ għal darb'oħra lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti u lill-midja biex jikxfu l-korruzzjoni u jappoġġaw investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali; jistieden lill-awtoritajiet biex jappoġġaw il-ħidma tal-Ombudsman b'miżuri adegwati rigward il-persunal u l-baġit;

18.

Jinsab imħasseb dwar l-għaqda ta' attivitajiet tal-midja, politiċi u tal-gvern, b'mod partikolari fir-rigward tal-infiq pubbliku; jikkundanna bil-qawwa l-eżistenza ta' rabtiet ekonomiċi, politiċi u tal-familja illegali f'dak li għandu x'jaqsam mal-infiq ta' fondi pubbliċi; jistieden lill-gvern biex jadotta qafas leġiżlattiv li jirregola kunflitti ta' interess u jagħmel disponibbli għall-pubbliku l-assi ta' persuni li jokkupaw karigi statali għoljin bħala miżura addizzjonali biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni;

19.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-qafas leġiżlattiv u l-istrateġiji għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata huma fis-seħħ; jilqa' l-eliminazzjoni tan-netwerks kriminali u r-rotot relatati mat-traffikar tal-bnedmin u d-drogi u jitlob għal aktar intensifikazzjoni tal-isforzi biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata; iħeġġeġ aktar titjib fil-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi kemm fil-pajjiż kif ukoll ma' pajjiżi fil-viċinat, u t-tisħiħ tas-setgħat u r-riżorsi tal-qrati; iqis li huwa essenzjali li tiġi żviluppata aktar il-kapaċità tal-infurzar tal-liġi biex jiġu investigati r-reati finanzjarji u jiġu kkonfiskati l-assi;

20.

Japprezza l-isforzi kontinwi biex jiġu miġġielda r-radikalizzazzjoni Iżlamika u l-ġellieda terroristiċi barranin; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija 2013-2019 għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, li tiddefinixxi wkoll il-kunċetti ta' estremiżmu vjolenti, radikalizzazzjoni, prevenzjoni u integrazzjoni mill-ġdid; jitlob li tiġi implimentata permezz ta' aktar kooperazzjoni bejn l-aġenziji tas-sigurtà u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-mexxejja reliġjużi, il-komunitajiet lokali u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-istat fl-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tas-servizzi soċjali biex jiġu indirizzati l-istadji differenti ta' radikalizzazzjoni u l-iżvilupp ta' għodod għal reintegrazzjoni u riabilitazzjoni; jitlob li jkun hemm monitoraġġ kontinwu ta' ġellieda barranin li jirritornaw mis-servizzi tas-sigurtà, biex jintegraw sew mill-ġdid fis-soċjetà, kif ukoll skambju kontinwu ta' informazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE u dawk fil-viċinat;

21.

Jinsab imħasseb dwar sinjali li ġejjin mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirreferu għad-deterjorament tal-klima li joperaw fiha; jibqa' mħasseb dwar l-attakki pubbliċi radikali fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti barranin mill-politiċi u l-midja; jirrikonoxxi u jħeġġeġ ir-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ, l-appoġġ u t-titjib tal-proċessi demokratiċi, inkluż il-proċess elettorali, u l-iżgurar ta' kontrokontrolli; huwa mħasseb dwar l-impenn limitat tal-gvern u l-kooperazzjoni insuffiċjenti mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha; jenfasizza l-importanza ta' djalogu regolari u kostruttiv u kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jinkluduhom fit-tfassil tal-politika b'mod regolari u strutturat; jistieden lill-awtoritajiet biex ma jiddiskriminawx kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili abbażi ta' affiljazzjoni politika, fehmiet reliġjużi jew kompożizzjoni etnika; jemmen li l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni jenħtieġ li ma tiġi miċħuda lil ebda grupp ta' nies mingħajr ġustifikazzjoni serja;

22.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex ikomplu x-xogħol taċ-ċensiment tal-popolazzjoni interrott li jista' jipprovdi statistika preċiża, li tista' sservi bħala bażi għal programmi ta' żvilupp tal-gvern u l-ippjanar baġitarju adegwat;

23.

Ifakkar lill-gvern u lill-partiti politiċi dwar ir-responsabilitajiet tagħhom fit-tfassil, bil-liġi u fil-prattika, ta' kultura ta' inklużjoni u tolleranza; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-ugwaljanza u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni 2016-2020; huwa mħasseb dwar l-imparzjalità u l-indipendenza tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni u jitlob għal proċess ta' għażla trasparenti għall-membri tagħha; itenni l-kundanna tiegħu ta' diskors ta' mibegħda kontra l-gruppi diskriminati; huwa mħasseb li l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u l-attakki kontra l-persuni lesbjani, omosesswali, bisesswali, transesswali u intersesswali (LGBTI) jippersistu; itenni t-talba tiegħu biex il-Liġi kontra d-Diskriminazzjoni tiġi allinjata mal-acquis tal-Unjoni fir-rigward tad-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali; jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa li jiġu miġġielda l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni kontra r-Rom, u li jiġu ffaċilitati l-integrazzjoni tagħhom u l-aċċess tagħhom għas-sistema tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol; huwa mħasseb dwar il-kundizzjonijiet fiżiċi inumani u l-popolazzjoni eċċessiva fil-ħabsijiet, minkejja żieda sinifikanti fil-baġit tal-ħabs; jitlob li r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman ikunu rrispettati;

24.

Jappella għal sforzi ulterjuri biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika u fl-impjieg, biex tittejjeb is-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħhom u jissaħħu d-drittijiet tan-nisa b'mod ġenerali; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex itejbu l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Opportunitajiet Indaqs, biex jindirizzaw in-nuqqas ta' rappreżentanza tan-nisa f'pożizzjonijiet ewlenin ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha u biex isaħħu l-effikaċja ta' mekkaniżmi istituzzjonali għall-avvanz tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jagħmlu allokazzjonijiet baġitarji suffiċjenti għall-implimentazzjoni tagħha; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' aċċess tan-nisa għal ċerti servizzi tas-saħħa bażiċi kif ukoll dwar ir-rata persistentement għolja ta' mortalità tat-trabi;

25.

Iħeġġeġ lill-gvern biex jieħu miżuri biex jirrieżamina l-Liġi dwar il-Prevenzjoni ta' u l-Ħarsien kontra l-Vjolenza Domestika u liġijiet oħra rilevanti, sabiex jipprovdi protezzjoni xierqa għall-vittmi kollha tal-vjolenza domestika u l-vjolenza sessista u biex itejjeb is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi ta' vjolenza domestika, inkluż għadd adegwat ta' postijiet ta' kenn; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-gvern jiżgura li każijiet ta' vjolenza domestika jiġu investigati bir-reqqa u l-persuni li wettqu dawn l-atti jiġu soġġetti għal proċediment kriminali, u jkompli jqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza domestika;

26.

Itenni li s-sitwazzjoni interetnika għadha fraġli; iħeġġeġ lill-partiti politiċi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha biex jippromwovu b'mod attiv soċjetà multietnika, multikulturali u multireliġjuża inklużiva u tolleranti u biex isaħħu l-koeżistenza u d-djalogu; jemmen li huma meħtieġa miżuri speċifiċi sabiex tinkiseb il-koeżjoni soċjali fost id-diversi komunitajiet etniċi, nazzjonali u reliġjużi; ifakkar lill-gvern u lill-mexxejja tal-partiti dwar l-impenn tagħhom għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid b'mod inklużiv u trasparenti, biex jiffinalizzaw ir-rieżami pendenti mingħajr aktar dewmien, inklużi rakkomandazzjonijiet ta' politika, u sabiex jiġi żgurat li jkun hemm baġit suffiċjenti għall-implimentazzjoni tiegħu; jikkundanna kull forma ta' irridentiżmu u kwalunkwe tentattiv li jiġu ddiżintegrati gruppi soċjali differenti; jenfasizza l-importanza li jinbeda ċ-ċensiment tant mistenni mingħajr aktar dewmien;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi ulterjuri biex tappoġġa proċess ta' rikonċiljazzjoni ġenwin fir-reġjun, partikolarment permezz ta' appoġġ għal proġetti kulturali li jittrattaw il-passat reċenti u l-promozzjoni ta' fehim komuni u kondiviż tal-istorja u kultura pubblika u politika ta' tolleranza, inklużjoni u rikonċiljazzjoni;

28.

Itenni li l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili jenħtieġ li jieħdu miżuri xierqa biex tinkiseb ir-rikonċiljazzjoni storika sabiex tingħeleb il-firda bejn u fi ħdan id-diversi gruppi etniċi u nazzjonali, inklużi ċ-ċittadini ta' identità Bulgara;

29.

Iħeġġeġ lill-gvern jibgħat sinjali ċari lill-pubbliku u lill-mezzi ta' komunikazzjoni li d-diskriminazzjoni abbażi tal-identità nazzjonali mhijiex tollerata fil-pajjiż, inkluż fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja, tal-midja, tal-impjieg u tal-opportunitajiet soċjali; jissottolinja l-importanza ta' dawn l-azzjonijiet għall-integrazzjoni tad-diversi komunitajiet etniċi u l-istabilità u l-integrazzjoni Ewropea tal-pajjiż;

30.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirkupraw l-arkivji tas-servizzi sigrieti Jugoslavi rilevanti mis-Serbja; huwa tal-fehma li l-ġestjoni trasparenti tal-imgħoddi totalitarju, inkluż il-ftuħ tal-arkivji tas-servizzi sigrieti, hija pass 'il quddiem lejn aktar demokratizzazzjoni, responsabilità u saħħa istituzzjonali;

31.

Itenni l-importanza tal-libertà u l-indipendenza tal-midja bħala wieħed mill-valuri fundamentali tal-UE u l-pedament ta' kull demokrazija; għadu mħasseb dwar il-libertà ta' espressjoni u tal-midja, l-użu ta' diskors ta' mibegħda, il-każijiet ta' intimidazzjoni u ta' awtoċensura, l-interferenza politika sistemika fi u l-pressjoni fuq il-politiki editorjali, in-nuqqas ta' rappurtar investigattiv, oġġettiv u preċiż, kif ukoll ir-rappurtar żbilanċjat tal-attivitajiet tal-gvern; itenni t-talba tiegħu għal rappurtar ta' varjetà ta' opinjonijiet permezz tal-midja prinċipali, partikolarment tax-xandar pubbliku;

32.

Jistieden lill-gvern il-ġdid jiżgura li l-intimidazzjoni jew il-vjolenza kontra l-ġurnalisti tiġi investigata kif xieraq u li dawk reponsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jenfasizza l-ħtieġa għal sostenibilità u awtonomija politika u finanzjarja tas-servizz pubbliku tax-xandir sabiex tiġi żgurata l-indipendenza finanzjarja u editorjali, u d-dritt ta' aċċess għal informazzjoni imparzjali; jappella għal korpi ta' rappreżentanza tal-interessi tal-midja inklużivi; jappella għall-istabbiliment ta' kodiċi ta' kondotta professjonali aċċettat kemm mill-midja pubblika kif ukoll minn dik privata; iħeġġeġ ħidma konġunta bejn l-uffiċjali tal-gvern, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-ġurnalisti dwar ir-riforma tal-midja;

33.

Jibqa' mħasseb li s-sitwazzjoni politika tirrappreżenta riskju serju lill-ekonomija Maċedonjana; jiqba' mħasseb dwar l-infurzar dgħajjef tal-kuntratti, id-daqs tal-ekonomija informali u d-diffikultà fil-ksib ta' aċċess għall-finanzi; jenfasizza li l-ekonomija moħbija mdaqqsa hija ostakolu importanti għan-negozju; jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri li jsaħħu l-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi fis-settur privat, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw ukoll l-effiċjenza ġudizzjarja;

34.

Jilqa' l-fatt li nżammu l-istabilità makroekonomika, it-tnaqqis tar-rata tal-qgħad u l-impenn kontinwu tal-gvern biex jippromwovi t-tkabbir u l-impjiegi permezz ta' politiki ekonomiċi bbażati fuq is-suq, iżda jinsab imħasseb dwar is-sostenibilità tad-dejn pubbliku u dwar il-fatt li l-qgħad għadu għoli b'parteċipazzjoni baxxa ħafna fis-suq tax-xogħol, speċjalment fost iż-żgħażagħ, in-nisa u l-persuni b'diżabilità; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw il-qgħad fit-tul u strutturali, jippromwovu l-kooperazzjoni tal-politika ekonomika, jallinjaw aħjar l-edukazzjoni mad-domanda tas-suq tax-xogħol u jiżviluppaw strateġija mmirata dwar kif iż-żgħażagħ u n-nisa jistgħu jiġu integrati b'mod aħjar fis-suq tax-xogħol; jinsab imħasseb dwar it-tluq ta' professjonisti żgħażagħ b'edukazzjoni għolja u jappella lill-gvern biex jiżviluppa programmi biex jippermetti lill-professjonisti żgħażagħ b'edukazzjoni għolja jirritornaw u jipparteċipaw fil-proċessi politiċi u ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob li tittieħed azzjoni biex titjieb id-dixxiplina fiskali u t-trasparenza u tiżdied il-kapaċità tal-ippjanar tal-baġit; jinkoraġġixxi l-prinċipju ta' baġits ibbilanċjati; jinnota li l-ambjent regolatorju affidabbli u prevedibbli għan-negozji jwassal għal żieda fl-istabilità makroekonomika u t-tkabbir; jitlob li jkun hemm konsultazzjoni adegwata mal-partijiet interessati kollha f'dan ir-rigward;

35.

Jilqa' b'mod pożittiv il-progress li sar fil-modernizzazzjoni tan-netwerks tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjonijiet u, b'mod partikolari, l-isforzi biex jitlesta l-Kuritur X (2); fid-dawl tal-importanza ta' kollegamenti ferrovjarji fil-qafas ta' sistema sostenibbli ta' trasport, jilqa' b'mod pożittiv l-intenzjoni tal-gvern li jimmodernizza jew jibni kollegamenti ferrovjarji minn Skopje sal-kapitali tal-pajjiżi fil-viċinat u jappella għal aktar progress, speċjalment fil-finalizzazzjoni tal-kollegamenti ferrovjarji u bit-triq fi ħdan il-Kuritur VIII (3);

36.

Jilqa' l-livell tajjeb ta' tħejjija fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-soċjetà tal-informazzjoni; jappella għal aktar progress fil-qasam tas-sigurtà ċibernetika u jissottolinja l-ħtieġa biex tiġi żviluppata u adottata strateġija nazzjonali għaċ-ċibersigurtà sabiex tiżdied ir-reżiljenza ċibernetika;

37.

Huwa mħasseb dwar in-nuqqasijiet sinifikanti fil-qasam tal-ambjent, b'mod partikolari fil-qasam tat-tniġġis industrijali u t-tniġġis tal-arja u tal-ilma; jinnota li l-kundizzjoni attwali tas-sistema tal-provvista tal-ilma hija ġeneralment ħażina, li tirriżulta fi kwistjonijiet ta' telf kbir tal-ilma u l-kwalità tal-ilma; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata u implimentata politika dwar l-iskart sostenibbli, u jitlob li jkun hemm politika u strateġija komprensiva dwar l-azzjoni klimatika li tkun konformi mal-qafas tal-UE tal-2030 għall-politika dwar il-klima, u għar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima;

38.

Jilqa' r-rwol kostruttiv tal-pajjiż fil-kooperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari l-inizjattiva tas-Sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-aġenda ta' konnettività; jinnota, madankollu, li r-rabtiet tal-infrastruttura tat-trasport u l-enerġija mal-ġirien reġjonali u l-konnessjoni man-netwerk TEN-T għadhom limitati; jilqa' l-progress li sar fis-sigurtà tal-provvista, kif ukoll fil-qasam ta' interkonnetturi ta' trażmissjoni tal-elettriku u interkonnessjonijiet tal-gass; jinnota l-ftehim iffirmat mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent dwar l-iżvilupp ta' suq reġjonali tal-elettriku; jenfasizza l-ħtieġa li jsir progress fil-ftuħ tas-suq tal-elettriku biex tiġi żviluppata l-kompetizzjoni fis-suq tal-enerġija u tal-gass, b'ħidma għal separazzjoni tal-utilitajiet f'konformità mat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija tal-UE; jitlob titjib sostanzjali fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jappella għar-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-klima;

39.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex isaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi u ta' finanzjament sabiex ikun żgurat reġim ta' akkwist pubbliku trasparenti, effiċjenti u effettiv, jipprevjenu kwalunkwe irregolarità u jimplimentaw il-fondi tal-UE b'mod xieraq u f'waqtu, u biex jipprovdu, fl-istess ħin, rapporti regolari dettaljati dwar l-ipprogrammar u l-użu tal-fondi tal-Komunità; jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni reġgħet naqqset l-għajnuna finanzjarja għall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni b'madwar EUR 27 miljun bħala konsegwenza ta' nuqqas ta' impenn politiku biex jitwettqu riformi fil-ġestjoni finanzjarja pubblika; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-rapporti tagħha informazzjoni dwar l-appoġġ tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni għall-pajjiż u l-effikaċja tal-miżuri implimentati, b'mod partikolari l-appoġġ tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni allokat għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin u l-proġetti rilevanti;

40.

Ifaħħar lill-pajjiż għar-rwol kostruttiv u l-kooperazzjoni tiegħu u għall-isforzi enormi tiegħu fl-indirizzar tal-isfidi tal-kriżi tal-migrazzjoni, biex b'hekk jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għas-sigurtà u l-istabilità tal-UE; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-pajjiż bl-għodod kollha meħtieġa biex tittaffa l-kriżi; jirrakkomanda aktar miżuri u azzjonijiet f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali biex titjieb is-sistema tal-ażil, sabiex tiġi żgurata l-kapaċità meħtieġa biex jiġi evitat u miġġieled it-traffikar ta' bnedmin u migranti, inkluż ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' Stati fil-viċinat fil-ġlieda kontra l-kriminalità, u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-ġestjoni tal-fruntieri;

41.

Jinnota li l-pajjiż jinsab fuq l-hekk imsejjaħ “rotta tal-Balkani tal-Punent” u li bejn wieħed u ieħor 600 000 rifuġjat u migrant, inklużi gruppi vulnerabbli bħalma huma t-tfal u l-anzjani, s'issa vvjaġġaw minnha fi triqithom lejn l-Ewropa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tiegħu jiżguraw li l-migranti u r-rifuġjati li japplikaw għal ażil fil-pajjiż jew li jkunu qegħdin jivvjaġġaw fit-territorju tiegħu, jiġu trattati b'konformità mad-dritt internazzjonali u tal-UE, inklużi l-Konvenzjoni tar-Rifuġjati tal-1951 u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni flimkien mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, b'mod li tiżgura l-konformità man-normi u l-istandards Ewropej u internazzjonali;

43.

Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali bħala għodda biex jitmexxa 'l quddiem il-proċess tal-integrazzjoni tal-UE, u jfaħħar l-isforzi kostruttivi tal-pajjiż u l-kontribuzzjonijiet proattivi fil-promozzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi kollha fir-reġjun;

44.

Jemmen li l-kooperazzjoni reġjonali hija element essenzjali fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE, iġġib l-istabilità u l-prosperità fir-reġjun, u jenħtieġ li tkun prijorità għall-gvern; jilqa' r-rwol kostruttiv kontinwu tal-pajjiż u l-kontributi proattivi li jippromwovu l-kooperazzjoni bilaterali, reġjonali u internazzjonali, kif ukoll il-parteċipazzjoni tiegħu fl-operazzjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżijiet ċivili u militari; ifaħħar iż-żieda fl-allinjament mal-politika barranija tal-UE (73 %); jistieden lill-awtoritajiet tal-Maċedonja biex jallinjaw ukoll il-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja wara l-annessjoni illegali tal-Krimea; itenni l-importanza li jiġu finalizzati n-negozjati dwar trattat ta' ħbiberija u ta' viċinanza tajba mal-Bulgarija; jitlob lill-awtoritajiet jirrispettaw id-drittijiet politiċi, soċjali u kulturali taċ-ċittadini tal-pajjiż li jqisu lilhom infushom bħala ċittadini Bulgari;

45.

Iħeġġeġ it-twaqqif ta' kumitati ta' esperti konġunti dwar l-istorja u l-edukazzjoni mal-pajjiżi fil-viċinat, li twassal għal interpretazzjoni tal-istorja oġġettiva u bbażata fuq il-fatti, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni akkademika u l-promozzjoni ta' attitudnijiet pożittivi fiż-żgħażagħ fir-rigward tal-ġirien tagħhom;

46.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultati tanġibbli mill-inizjattiva għal miżuri ta' bini ta' fiduċja bejn dan il-pajjiż u l-Greċja, li jista' jikkontribwixxi għal fehim aħjar u relazzjonijiet bilaterali aktar b'saħħithom, biex b'hekk titwitta t-triq għal soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat rigward il-kwistjoni tal-isem, u jirrikonoxxi l-iżviluppi pożittivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza l-importanza li jkunu evitati attitudnijiet, azzjonijiet kontroversjali u dikjarazzjonijiet li jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet tajbin bejn il-pajjiżi fil-viċinat; itenni bil-qawwa l-istedina tiegħu lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw inizjattivi ġodda sabiex jingħelbu d-differenzi li jkun baqa' u biex jaħdmu, f'kooperazzjoni maż-żewġ pajjiżi u r-Rappreżentant Speċjali tan-NU, fuq soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat dwar il-kwistjoni tal-isem u biex jirrapportaw lura lill-Parlament dwar dan;

47.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-Proċess ta' Berlin, li juru appoġġ politiku b'saħħtu għall-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jirrimarka dwar l-importanza ta' dan il-proċess għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi fir-reġjun permezz ta' investimenti f'netwerks ewlenin u proġetti bilaterali fl-oqsma tal-infrastruttura, l-ekonomija u l-interkonnettività; itenni l-importanza ta' parteċipazzjoni attiva f'inizjattivi reġjonali relatati maż-żgħażagħ, bħal pereżempju l-Uffiċċju Reġjonali tal-Kooperazzjoni taż-Żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent; jilqa' t-twaqqif tal-Fond tal-Balkani tal-Punent, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis l-inizjattivi u l-proġetti proposti;

48.

Jifraħ lill-pajjiż dwar il-presidenza tiegħu tal-IEĊ fejn matul l-2015 il-fokus kien fuq il-kooperazzjoni ekonomika u l-opportunitajiet ta' negozju, l-infrastruttura u l-iżvilupp ekonomiku ġenerali, inkluż l-iżvilupp rurali u t-turiżmu, u fuq il-kollegament tal-makroreġjuni;

49.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern u lill-parlament tal-pajjiż.

(1)  ĠU L 84, 20.3.2004, p. 13.

(2)  Il-Kuritur X huwa wieħed mill-għaxar kurituri tat-trasport pan-Ewropej u jmur minn Salzburg (l-Awstrija) sa Salonka (il-Greċja).

(3)  Il-Kuritur VIII huwa wieħed mill-kurituri tat-trasport pan-Ewropej u jmur minn Durrës (l-Albanija) sa Varna (il-Bulgarija). Jgħaddi wkoll minn Skopje.


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/97


P8_TA(2017)0264

Is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2017/2703(RSP))

(2018/C 331/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) tat-23 ta' Ġunju 2016 (1), tal-1 ta' Diċembru 2016 (2) u tat-2 ta' Frar 2017 (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini u mill-kelliem tagħha dwar is-sitwazzjoni fir-RDK,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE għar-RDK dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż,

wara li kkunsidra l-ftehim politiku li ntlaħaq fir-RDK fil-31 ta' Diċembru 2016,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-RDK,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2016 u tas-6 ta' Marzu 2017 dwar ir-RDK,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-10 ta' Marzu 2017 dwar il-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-NU fir-RDK,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-RDK, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2293 (2016) dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet fuq ir-RDK u l-mandat tal-Grupp ta' Esperti, u r-riżoluzzjoni 2348 (2017) dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-NU fir-RDK (MONUSCO),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar ir-RDK mill-Unjoni Afrikana, min-Nazzjonijiet Uniti, mill-Unjoni Ewropea u mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija tas-16 ta' Frar 2017,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou rivedut,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-RDK, adottata fit-18 ta' Frar 2006,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi r-RDK ġarrbet ċikli kontinwi ta' kunflitt u ta' repressjoni politika brutali; billi l-kriżi umanitarja u ta' sigurtà fir-RDK komplet sejra għall-agħar minħabba l-kriżi politika kkawżata mill-fatt li l-President Joseph Kabila naqas milli jikkonforma mal-limitu ta' żewġ mandati stabbilit mill-kostituzzjoni;

B.

billi l-kunflitt qed iseħħ fil-kuntest ta' kriżi politika fir-RDK; billi ftehim li ntlaħaq fil-31 ta' Diċembru 2016 taħt l-awspiċi tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali tal-Kongo (CENCO) jipprevedi tranżizzjoni politika li twassal għal elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti sa tmiem l-2017, mingħajr bidla fil-kostituzzjoni; billi sal-lum ma sar l-ebda progress fuq l-implimentazzjoni tal-ftehim;

C.

billi f'Awwissu 2016 ġlied armat seħħ bejn l-armata Konġoliża u l-milizzji lokali fil-provinċja ta' Kasai Ċentrali u nfirex fil-provinċji ġirien ta' Kasai tal-Lvant, Lomami u Sankuru, b'tali mod li kkawża kriżi umanitarja u wassal għall-ispostament intern ta' aktar minn miljun persuna ċivili; billi rapporti tan-NU ddokumentaw vjolazzjonijet massivi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-massakru ta' aktar minn 500 persuna ċivili, kif ukoll l-eżistenza ta' aktar minn 40 qabar tal-massa; billi, skont in-NU, kważi 400 000 tifel u tifla jinsabu f'xifer il-mewt bil-ġuħ; billi 165 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Kongoliżi talbu li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar il-vjolazzjonijiet massivi tad-drittijiet tal-bniedem fil-provinċji ta' Kasai u Lomami, filwaqt li enfasizzaw li kemm forzi governattivi kif ukoll ġellieda tal-milizzji huma implikati f'dawn id-delitti;

D.

billi żewġ esperti tan-NU, flimkien ma' membri tal-persunal ta' appoġġ, inħatfu u nqatlu fil-provinċja ta' Kasai f'Marzu 2017;

E.

billi l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) tan-NU nieda appell għal USD 64,5 miljun f'April 2017 għal assistenza umanitarja urġenti fir-reġjun ta' Kasai;

F.

billi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem qed jirrapportaw kontinwament dwar is-sitwazzjoni teħżien fil-pajjiż fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' dimostrazzjoni, dwar żieda fl-għadd ta' proċessi għal motivi politiċi u dwar l-użu ta' forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi, ġurnalisti u l-oppożizzjoni politika, b'mod partikolari mwettqa mill-armata u l-milizzji; billi n-nisa u t-tfal huma l-ewwel vittmi tal-kunflitt, u billi atti ta' vjolenza sesswali u ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, li spiss jintużaw bħala tattika tal-gwerra, huma mifruxa;

G.

billi, skont il-mandat tagħha li f'April 2017 ġie mġedded għal sena oħra, il-MONUSCO għandha tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-persuni ċivili fost l-eskalazzjoni tal-vjolenza, u għandha tappoġġja l-implimentazzjoni tal-ftehim politiku tal-31 ta' Diċembru 2016, filwaqt li l-kontinġent tal-MONUSCO għandu jaħdem ukoll bil-qies debitu ta' prijoritajiet ta' sigurtà u umanitarji ġodda;

H.

billi l-UE fit-12 ta' Diċembru 2016 adottat miżuri restrittivi kontra seba' individwi b'reazzjoni għall-ostakolar tal-proċess elettorali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u fid-29 ta' Mejju 2017 kontra disa' individwi oħra li għandhom pożizzjonijiet ta' responsabbiltà fl-amministrazzjoni statali u fil-katina tal-kmand tal-forzi tas-sigurtà tar-RDK;

1.

Għadu mħasseb serjament dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni politika, tas-sigurtà u umanitarja fir-RDK; jikkundanna bil-qawwa kull vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-atti ta' vjolenza mill-perpetraturi kollha, il-każijiet kollha ta' ħtif, qtil, tortura, vjolenza sesswali, kif ukoll l-arresti arbitarji u d-detenzjonijiet illegali;

2.

Jitlob li jitwaqqaf kumitat ta' inkjesta indipendenti u komprensiv, li jħaddan fih esperti tan-NU, bil-għan li jixħet dawl fuq il-vjolenza fir-reġjun ta' Kasai u jiżgura li dawk li wettqu dawn il-massakri jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw kumitat ta' inkjesta politikament u finanzjarjament;

3.

Ifakkar li huwa l-gvern tar-RDK li għandu r-responsabbiltà primarja li jipproteġi lill-persuni ċivili li jinsabu fit-territorju tiegħu u li huma soġġetti għall-ġurisdizzjoni tiegħu, inkluż li jipproteġihom minn delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;

4.

Jiddeplora bil-qawwa d-dewmien fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li jmiss fir-RDK, li jikkostitwixxi vjolazzjoni tal-kostituzzjoni tal-Kongo; jiddeplora wkoll in-nuqqas ta' progress fl-implimentazzjoni tal-ftehim politiku tal-31 ta' Diċembru 2016 għal arranġamenti tranżizzjonali; ifakkar l-impenn meħud mill-Gvern tar-RDK għal elezzjonijiet trasparenti, ħielsa u ġusti li għandhom isiru b'mod kredibbli qabel tmiem l-2017, li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet politiċi, jikkonformaw mal-ftehim politiku u jwasslu għal trasferiment paċifiku tal-poter; itenni li huwa importanti li jiġi ppubblikat kalendarju politiku dettaljat, filwaqt li jilqa' l-proċess ta' reġistrazzjoni elettorali; jitlob l-implimentazzjoni bikrija tal-impenji li fih il-ftehim, b'mod partikolari l-emendar u l-adozzjoni tal-liġijiet meħtieġa fil-parlament Kongoliż qabel tmiem is-sessjoni parlamentari; jitlob li l-liġi elettorali tiġi emendata bil-għan li tiggarantixxi r-rappreżentanza tan-nisa permezz ta' miżuri adatti;

5.

Jissottolinja li l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti għandha r-responsabbiltà li tkun istituzzjoni imparzjali u inklussiva fl-implimentazzjoni ta' proċess elettorali kredibbli u demokratiku; jitlob il-ħolqien immedjat ta' kunsill nazzjonali għall-monitoraġġ tal-ftehim u tal-proċess elettorali, f'konformità mal-ftehim politiku tal-2016;

6.

Ifakkar li gvern huwa fid-dmir li jirrispetta, jipproteġi u jippromwovi l-libertajiet fundamentali bħala bażi tad-demokrazija; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kongoliżi jreġġgħu lura ambjent li jiffavorixxi l-eżerċizzju liberu u paċifiku tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda u tal-libertà tal-istampa; jesiġi r-rilaxx immedjat ta' dawk kollha li ġew arrestati b'mod illegali, inklużi ġurnalisti, membri tal-oppożizzjoni u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jitlob lill-partijiet interessati politiċi kollha jfittxu djalogu politiku;

7.

Jikkundanna l-vjolazzjonijiet kollha tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali u mis-servizzi ta' sigurtà; huwa mħasseb ukoll dwar rapporti ta' vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem minn milizzji lokali, inkluż ir-reklutaġġ u l-użu illegali ta' suldati tfal, atti li jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali; iqis li t-tmiem tal-fenomenu tas-suldati tfal irid ikun prijorità għall-awtoritajiet u għall-komunità internazzjonali;

8.

Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja allarmanti fir-RDK, li tinkludi spostamenti, nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, epidemiji u diżastri naturali; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkattru l-għajnuna finanzjarja u umanitarja permezz ta' organizzazzjonijiet affidabbli, biex jilqgħu għall-ħtiġijiet urġenti tal-popolazzjoni, b'mod partikolari fil-provinċja ta' Kasai; jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha mwettqa fuq il-membri tal-persunal umanitarju u fuq il-faċilitajiet umanitarji, u jinsisti li l-awtoritajiet tal-Kongo jiżguraw li l-għajnuna mill-organizzazzjonijiet umanitarji titwassal lill-popolazzjoni bla intoppi u f'waqtha;

9.

Jilqa' t-tiġdid tal-mandat tal-MONUSCO u l-ħidma mwettqa mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għar-RDK biex jipproteġi lill-persuni ċivili u jsostni d-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest elettorali; jenfasizza li l-mandat oriġinali u kurrenti, li japplika għat-truppi kollha tan-NU fil-pajjiż, huwa li “jinnewtralizzaw il-gruppi armati”; jitlob li l-forza kollha tal-MONUSCO tintervjeni bis-sħiħ u tipproteġi lill-popolazzjoni minn gruppi armati, tipproteġi lin-nisa mill-istupri u minn forom oħra ta' vjolenza sesswali, u li ma tippermetti l-ebda limitazzjoni fuq il-bażi ta' kmand nazzjonali;

10.

Jinnota bi tħassib ir-riskju ta' destabilizzazzjoni reġjonali; itenni l-appoġġ tiegħu għan-Nazzjonijiet Uniti, għall-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija u għall-Unjoni Afrikana fil-medjazzjoni tagħhom favur djalogu politiku; jitlob li l-ħidma fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar tiġi intensifikata biex tipprevjeni destabilizzazzjoni ulterjuri;

11.

Ifakkar li huwa importanti li l-individwi jinżammu responsabbli għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u għal azzjonijiet oħra li jimminaw soluzzjoni kunsenswali u paċifika fir-RDK; jappoġġja l-użu ta' sanzjonijiet immirati tal-UE kontra l-individwi responsabbli għal vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li, f'konformità mal-investigazzjonijiet imwettqa mill-Grupp ta' Esperti tan-NU, isiru aktar investigazzjonijiet dwar il-persuni responsabbli, fl-ogħla livell tal-gvern, għall-vjolenza u d-delitti mwettqa fir-RDK u għas-serq tar-riżorsi naturali tagħha, u li sanzjonijiet jiġu estiżi kontra dawn il-persuni; jenfasizza li s-sanzjonijiet iridu jinkludu l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tad-dħul fl-UE;

12.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Kunsill tal-Ministri u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0290.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0479.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2017)0017.


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/100


P8_TA(2017)0265

Is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladesh

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 Dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladesh (2017/2636(RSP))

(2018/C 331/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar il-libertà ta' espressjoni fil-Bangladesh (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u l-progress tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladesh (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2014 dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar inizjattiva ewlenija tal-UE għas-settur tal-ħwejjeġ (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladesh, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Jannar 2014 (5), tal-21 ta' Novembru 2013 (6) u tal-14 ta' Marzu 2013 (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali (8) u dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar “Ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli” (10), u dwar “Ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv” (11),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' April 2017 dwar katini ta' valur tal-ħwejjeġ sostenibbli permezz ta' azzjoni tal-UE għall-iżvilupp (SWD(2017)0147),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva” (COM(2011)0681) u r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħidma tal-Kummissjoni fir-rigward tad-direzzjoni tal-politika dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) tagħha wara l-2014,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment (12),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu “Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment” (COM(2015)0497),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladesh dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp,

wara li kkunsidra l-Patt ta' Sostenibbiltà għal Titjib Kontinwu fir-rigward tad-Drittijiet tax-Xogħol u s-Sikurezza tal-Fabbriki fl-Industrija tal-Ħwejjeġ Lesti Biex Jintlibsu u tal-Maljerija fil-Bangladesh,

wara li kkunsidra r-Rapporti tal-Kummissjoni dwar l-Istatus Tekniku tal-Patt ta' Sostenibbiltà tal-Bangladesh ta' Lulju 2016 u tal-24 ta' April 2015,

wara li kkunsidra r-rapport ta' missjoni tat-23 ta' Jannar 2017 tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali wara ż-żjara tad-delegazzjoni ad hoc fil-Bangladesh (Dhaka) mill-15 sas-17 ta' Novembru 2016,

wara li kkunsidra l-programm tal-Bangladesh għal Xogħol Aħjar tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), imniedi f'Ottubru 2013,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Missjoni Tripartitika ta' Livell Għoli tal-ILO, u l-osservazzjonijiet tal-2017 tal-Kumitat ta' Esperti tal-ILO dwar l-Applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet dwar il-Konvenzjonijiet 87 u 98,

wara li kkunsidra l-paragrafu speċjali fir-rapport tal-Kumitat tal-ILO dwar l-Applikazzjoni tal-Istandards tal-Konferenza tal-ILO tal-2016,

wara li kkunsidra l-ilment imressaq fl-2017 quddiem il-Kumitat tal-ILO dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni rigward it-trażżin ta' ħaddiema ta' fabbriki tal-ħwejjeġ f'Ashulia mill-gvern f'Diċembru 2016 u l-ilment imressaq quddiem il-Mandati Speċjali tan-NU, anki dan dwar it-trażżin f'Ashulia,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Johannesburg tan-NU dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għall-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku,

wara li kkunsidra l-Qafas tal-Politika tal-Investiment tal-UNCTAD għall-Iżvilupp Sostenibbli (2015),

wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem, li jistabbilixxu qafas kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-kumpaniji biex jipproteġu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, kif approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġunju 2011,

wara li kkunsidra l-Patt Dinji tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol, l-ambjent u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,

wara li kkunsidra r-Rapport Aggregat Trimestrali tal-Ftehim dwar il-progress tar-rimedjazzjoni fil-fabbriki tal-industrija tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu koperti mill-Ftehim tal-31 ta' Ottubru 2016,

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladesh' (O-000037/2017 – B8-0217/2017),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Bangladesh sar it-tieni l-akbar produttur tal-ħwejjeġ madwar id-dinja u s-settur tat-tessuti tiegħu huwa responsabbli għal kważi 81 % tal-esportazzjonijiet totali; billi 60 % tal-produzzjoni tal-ħwejjeġ tal-Bangladesh tmur għall-UE, li hija s-suq ewlieni għall-esportazzjoni tal-pajjiż;

B.

billi l-industrija tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu attwalment timpjega 4,2 miljun persuna f'mhux inqas minn 5 000 fabbrika u b'mod indirett issostni l-għajxien ta' 40 miljun ruħ – madwar kwart tal-popolazzjoni tal-Bangladesh; billi l-industrija tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu kienet ta' kontribut importanti għat-tnaqqis tal-faqar u għall-awtonomizzazzjoni tan-nisa; billi n-nisa, l-aktar dawk minn żoni rurali, jirrappreżentaw 80 % tas-settur tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu fil-Bangladesh; billi, minkejja dan, 80 % tal-ħaddiema għadhom impjegati fis-settur informali; billi n-natura kumplessa tal-katina tal-provvista tal-ħwejjeġ u l-livell baxx ta' trasparenza tagħha jiffaċilitaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jżidu l-isfruttament; billi l-paga minima fis-settur tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu baqgħet taħt is-soll tal-faqar tal-Bank Dinji;

C.

billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija xprun tal-iżvilupp; billi d-drittijiet tan-nisa jaqgħu taħt l-ispettru tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funżjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi b'mod ċar li “Fl-azzjonijiet kollha tagħha l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa.” u, għalhekk, l-UE għandha d-dmir li tintegra l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki kollha tagħha, sabiex jiġi żgurat li l-irġiel u n-nisa jibbenefikaw b'mod ugwali mill-bidliet soċjali, mit-tkabbir ekonomiku u mill-ħolqien ta' impjiegi deċenti, filwaqt li titneħħa d-diskriminazzjoni u jitħeġġeġ ir-rispett tad-drittijiet tan-nisa fid-dinja;

D.

billi madwar 10 % tal-forza tax-xogħol fis-settur tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu hija impjegata f'Żoni ta' Pproċessar għall-Esportazzjoni; billi l-Att dwar ix-Xogħol rigward iż-Żoni ta' Pproċessar għall-Esportazzjoni ma jagħtix drittijiet bażiċi suffiċjenti lill-ħaddiema apparagun ta' ħaddiema oħra fi bnadi oħra tal-Bangladesh; billi huwa ppjanat li ssir espansjoni kbira taż-Żoni ta' Pproċessar għall-Esportazzjoni;

E.

billi l-preferenzi kummerċjali unilaterali ġenerużi skont l-inizjattiva ''Kollox ħlief armi'' għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs), minquxa fir-regolament tal-SĠP tal-UE, li jagħtu aċċess mingħajr tariffi għat-tessuti tal-Bangladesh skont regoli flessibbli ta' oriġini, ikkontribwixxew b'mod sinifikanti għall-istorja ta' suċċess tal-esportazzjonijiet imdaqqsa tal-ħwejjeġ u tat-tkabbir tal-impjiegi tal-Bangladesh;

F.

billi dawn il-preferenzi kummerċjali huma minquxa fil-prinċipju tal-UE tal-promozzjoni ta' kummerċ ġust u ħieles, u għalhekk jippermettu li l-UE tissospendi l-benefiċċji tal-SĠP fil-każijiet l-aktar serji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem abbażi tal-Kapitolu V, Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament SĠP, li jistipula li t-trattament preferenzjali jista' jiġi rtirat temporanjament minħabba għadd ta' raġunijiet, inkluż minħabba ksur serju u sistematiku tal-prinċipji stabbiliti fil-konvenzjonijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness VIII, fosthom it-tmien konvenzjonjiet fundamentali tal-ILO;

G.

billi abbażi ta' dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni u s-SEAE nedew, fil-bidu tal-2017, djalogu msaħħaħ dwar id-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem bl-għan li tinkiseb konformità aħjar mal-prinċipji ta' dawk il-konvenzjonijiet;

H.

billi l-ILO ddedikat paragrafu speċjali għall-Bangladesh fir-rapport tal-Kumitat tagħha dwar l-Applikazzjoni tal-Istandards mill-konferenza tagħha fl-2016, u sabet li l-pajjiż wettaq ksur serju tal-obbligi tiegħu skont il-Konvenzjoni 87 (il-libertà ta' assoċjazzjoni); billi fl-2015, l-ILO rrapportat li 78 % tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' trade unions ġew irrifjutati, minħabba taħlita ta' ostilità fir-rigward tal-unions min-naħa ta' diriġenti tal-fabbrika u ċerti politiċi u inkapaċità amministrattiva biex dawn jiġu rreġistrati;

I.

billi, skont diversi rapporti, mill-2006, kien hemm mijiet ta' ħaddiema fis-settur tal-ħwejjeġ li mietu f'diversi nirien f'fabbriki fil-Bangladesh, iżda sfortunatament il-bosta diriġenti u sidien tal-fabbriki responsabbli qatt ma tressqu quddiem il-ġustizzja; billi huwa stmat li kull sena jinqatlu madwar 11 700 ħaddiem f'inċidenti fatali u 24 500 oħra jmutu minn mard relatat max-xogħol, fis-setturi kollha;

J.

billi l-paga minima attwali ta' 5 300 takas (BDT) jew USD 67 fix-xahar ilha ma tiżdied mill-2013 u l-bord dwar il-paga minima ma ġiex imsejjaħ;

K.

billi mill-21 ta' Diċembru 2016, wara l-istrajks u d-dimostrazzjonijiet tal-ħaddiema tas-settur tal-ħwejjeġ tal-Bangladesh favur pagi ogħla, l-awtoritajiet arrestaw u żammew b'mod arbitrarju mill-inqas 35 kap ta' union jew avukat, għalqu uffiċċji tal-NGOs u tal-unions, u ssospendew jew keċċew madwar 1 600 ħaddiem minħabba li pprotestaw kontra l-pagi baxxi fl-industrija tal-ħwejjeġ;

L.

billi l-Bangladesh jinsab fil-145 post minn 177 pajjiż fl-Indiċi tat-Trasparenza; billi l-korruzzjoni hija endemika fil-katina tal-provvista globali tal-ħwejjeġ u tinvolvi kemm il-klassi politika kif ukoll l-amministrazzjonijiet lokali;

M.

billi għadd ta' inizjattivi promettenti mmexxija mis-settur privat, bħall-Ftehim tal-Bangladesh dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini (il-Ftehim), ikkontribwixxew b'mod moderatament pożittiv għat-titjib tal-istandards tal-katina tal-provvista u tas-sikurezza tal-forza tax-xogħol matul dawn l-aħħar 20 sena f'termini ta' żieda tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-katina tal-provvista tal-ħwejjeġ;

N.

billi l-konklużjonijiet tar-rieżamijiet suċċessivi tal-Ftehim fl-2014, l-2015 u l-2016 jirrappurtaw li l-awtoritajiet tal-Bangladesh kisbu titjib tanġibbli f'ċerti oqsma, u jirrikonoxxu l-kontribut tal-Ftehim għat-titjib moderat tas-saħħa u s-sikurezza fil-fabbriki u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu; billi l-progress relatat mad-drittijiet tal-ħaddiema kien aktar diffiċli u f'dawn l-aħħar snin ma ġiet osservata l-ebda evoluzzjoni sostanzjali f'dan il-qasam; billi skont l-ILO, in-nuqqasijiet fl-emendar u l-implimentazzjoni tal-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladesh tal-2013 qed jirriżultaw f'ostakli gravi għall-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta' assoċjazzjoni u għar-reġistrazzjoni tat-trade unions, speċjalment fis-settur tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu fiż-żoni ta' pproċessar għall-esportazzjoni; billi l-ħaddiema fiż-żoni ta' pproċessar għall-esportazzjoni ġew miċħuda d-dritt li jissieħbu ma' trade union;

O.

billi wara d-diżastru, kien hemm domanda bla preċedent min-naħa tal-konsumaturi Ewropej għal aktar informazzjoni dwar l-oriġini tal-prodotti u dwar il-kundizzjoni li fihom jiġu prodotti; billi ċ-ċittadini Ewropej ressqu għadd kbir ta' petizzjonijiet u organizzaw kampanji biex jesiġu responsabbiltà akbar mid-ditti tal-ħwejjeġ biex jiżguraw li l-prodotti tagħhom ikunu manifatturati b'mod etiku;

Negozju responsabbli fil-Bangladesh – primarjament kompitu nazzjonali

1.

Jenfasizza li minkejja rekord impressjonanti fit-tkabbir u l-iżvilupp tul dawn l-aħħar snin, hemm bżonn li l-Bangladesh jagħmel sforzi mdaqssa fuq tul ta' żmien sabiex jikseb tkabbir ekonomiku sostenibbli u aktar inklużiv; jenfasizza li f'dan is-sens huwa essenzjali li r-riformi strutturali jwasslu għal żieda fil-produttività u diversifikazzjoni ulterjuri tal-esportazzjonijiet u jissieltu kontra l-korruzzjoni;

2.

Jistieden lill-Gvern tal-Bangladesh biex, bħala kwistjoni tal-ogħla prijorità, isaħħaħ il-livell ta' impenn tiegħu rigward it-titjib tas-sikurezza, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tad-drittijiet tal-ħaddiema fis-settur tal-ħwejjeġ, u jsaħħaħ l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-bini u tal-fabbriki, ikompli jżid il-finanzjament tal-gvern għall-ispettorat tax-xogħol, ikompli jingaġġa u jħarreġ iżjed spetturi tal-fabbriki, jipprevedi kundizzjonijiet biex inaqqas ir-rata ta' ċaqliq tal-ispetturi tax-xogħol, jistabbilixxi pjan ta' ħidma annwali għal spezzjonijiet ta' segwitu ta' fabbriki soġġetti għal rimedju, u jestendi l-ispezzjonijiet tal-bini u tal-fabbriki għal setturi oħra;

3.

Jistieden lill-Gvern tal-Bangladesh jemenda l-Att tax-Xogħol tal-2013 sabiex jindirizza l-libertà ta' assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv b'mod effettiv, jippromwovi d-djalogu soċjali, jiżgura r-reġistrazzjoni rapida u mhux arbitrarja tat-trade unions, jiżgura l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effikaċi tal-allegazzjonijiet ta' diskriminazzjoni kontra l-unions u prattiki tax-xogħol inġusti, jiggarantixxi qafas leġiżlattiv għall-kwistjonijiet tax-xogħol li jkun konformi b'mod sħiħ mal-istandards internazzjonali, b'mod partikolari b'konformità sħiħa mal-Konvenzjonijiet Nru 87 u 98 tal-ILO dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u negozjar kollettiv, u jiżgura li jiġi implimentat b'mod effettiv; iħeġġeġ ukoll lill-gvern biex jiżgura li l-liġi li tirregola ż-Żoni tal-Ipproċessar għall-Esportazzjoni tippermetti l-libertà sħiħa ta' assoċjazzjoni b'konformità mal-istess standards internazzjonali, u jinvestiga b'mod attiv, bħala kwistjoni ta' urġenza, l-atti kollha ta' diskriminazzjoni kontra l-unions;

4.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladesh, lill-assoċjazzjonijiet tal-industrija u lis-sidien tal-fabbriki biex iwettqu ħidma ta' rimedju għall-fabbriki kollha tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu orjentati lejn l-esportazzjoni, u jiżguraw li t-tiswijiet u l-ispezzjonijiet ta' segwitu l-oħra jitwettqu u jiġu mmonitorjati mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-utilità tal-fondi mmobilizzati mid-donaturi u l-importanza ta' appoġġ finanzjarju effikaċi;

5.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladesh biex immedjatament jerġa' jlaqqa' l-bord dwar il-paga minima u jistabbilixxi frekwenza iqsar għar-reviżjoni tal-pagi;

Inizjattivi tas-settur privat – kontribuzzjoni effettiva u siewja

6.

Jistieden lill-bejjiegħa bl-imnut u d-ditti internazzjonali u lis-settur privat tal-Bangladesh jibqgħu impenjati li jħarsu l-liġijiet tax-xogħol u jimplimentaw miżuri ta' responsabbiltà soċjali korporattiva, u jtejbu r-rekord tagħhom fir-rigward tal-prattiki ta' negozju responsabbli, inkluż billi jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-ħaddiema fis-settur tal-ħwejjeġ tal-Bangladesh u jiġi ffaċilitat l-għoti ta' informazzjoni trasparenti dwar liema fabbriki qed jipproduċu l-oġġetti, u mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn l-inizjattivi rilevanti; jinkoraġġixxi t-tkomplija tal-ħidma tad-ditti u l-bejjiegħa bl-imnut globali biex jiġi adottat kodiċi ta' kondotta unifikat għall-awditjar tal-fabbriki fil-Bangladesh;

7.

Jenfasizza l-kisbiet tal-involviment tas-settur tan-negozju privat, f'kooperazzjoni mal-Gvern tal-Bangladesh u l-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-pajjiż, permezz tal-Ftehim dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini; jinnota, madankollu, li minkejja l-progress miksub rigward is-sikurezza kontra n-nirien u s-sikurezza tal-bini, is-sħab tal-Ftehim xorta għadhom imħassba dwar il-pass kajman biex jiġu rimedjati kompletament il-kwistjonijiet kritiċi ta' sikurezza; jistieden lill-partijiet tal-Ftehim itawlu l-impenn tagħhom permezz tiegħu għal perjodu ieħor ta' ħames snin, qabel ma jispiċċa l-ftehim attwali fit-12 ta' Mejju 2018; jistieden lill-gvern, kif ukoll lis-settur tan-negozju tal-Bangladesh, jirrikonoxxu l-utilità tal-impenn tal-bejjiegħa bl-imnut fil-Bangladesh permezz tal-Ftehim, u jappoġġaw l-estensjoni tal-mandat mogħti lis-sħab tal-Ftehim fil-Bangladesh;

8.

Jistieden lill-Gvern tal-Bangladesh u lis-settur privat ikomplu bl-inizjattivi tagħhom immirati lejn il-kumpens finanzjarju u r-riabilitazzjoni tal-vittmi, jiżviluppaw strateġija effettiva ta' impjieg mill-ġdid u joffru appoġġ għall-ħiliet intraprenditorjali u tal-għajxien;

L-UE u l-komunità internazzjonali – responsabbiltà kondiviża

9.

Jappoġġa l-attivitajiet ta' segwitu tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladesh u d-djalogu msaħħaħ tal-Kummissjoni u s-SEAE dwar id-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem mal-Bangladesh, bl-għan li jkun hemm konformità aħjar mal-prinċipji tal-konvenzjonijiet elenkati fir-regolament tal-SĠP;

10.

Jappoġġa l-eżami mill-Kummissjoni tal-possibilità ta' inizjattiva madwar l-UE kollha b'rabta mas-settur tal-ħwejjeġ, b'inizjattivi volontarji u kodiċi ta' kondotta stretti bħala l-prinċipji ewlenin tagħha; jieħu nota tad-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tal-24 ta' April 2017 dwar katini ta' valur tal-ħwejjeġ sostenibbli permezz ta' azzjoni tal-UE għall-iżvilupp, u jtenni t-talba tiegħu li ma tillimitax ruħha biss għal dak id-dokument ta' ħidma, iżda li tinkludi l-kunsiderazzjoni possibbli ta' leġiżlazzjoni vinkolanti dwar id-diliġenza dovuta; jenfasizza barra minn hekk li l-koordinazzjoni, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-impenn tal-gvernijiet li jistabbilixxu kundizzjonijiet ta' qafas xierqa jistgħu jikkontribwixxu biex tiżdied l-effiċjenza tal-inizjattivi privati u pubbliċi tal-katina tal-valur u jgħinu biex jinkisbu riżultati pożittivi b'rabta mal-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza l-importanza kemm tas-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi sabiex tiżdied it-trasparenza, kif ukoll tal-appoġġ tal-isforzi favur it-titjib tal-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali, is-sikurezza tal-prodotti u l-konsum sostenibbli;

11.

Huwa tal-fehma li l-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladesh, fejn l-UE hija attur ewlieni, jista' jservi bħala mudell għat-twaqqif ta' sħubiji simili ma' pajjiżi terzi; jistieden lill-Unjoni tkompli u tintensifika l-kooperazzjoni tagħha fil-livell internazzjonali ma' organizzazzjonijiet bħall-ILO, l-OECD u n-NU fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli u s-CSR;

12.

Jappoġġa l-isforzi tal-grupp ta' ħidma miftuħ tan-NU, stabbilit bl-għan li jfassal trattat vinkolanti tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom b'mod attiv ffin-negozjati li jirriżultaw;

13.

Jenfasizza li jekk is-sitwazzjoni tas-sigurtà ma tmurx għall-aħjar u t-theddid li mill-estremisti fil-Bangladesh ma jiġix indirizzat b'mod sistematiku, dan se jkollu effett dirett fuq l-investiment fil-pajjiż, li fl-aħħar mill-aħħar se jżomm lura l-iżvilupp fit-tul u l-ħajjiet taċ-ċittadin komuni;

Konklużjonijiet

14.

Jenfasizza li s-settur tal-ħwejjeġ ta' kwalità għolja huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Bangladesh, u li l-espansjoni tiegħu ippermettiet lil numru kbir ta' ħaddiema, speċjalment lin-nisa, jimxu mill-ekonomija informali għal dik formali; iwissi kontra inizjattivi li jistgħu jwasslu għad-diżimpenn ta' negozji tal-UE u oħrajn mill-Bangladesh, u li jkunu ta' ħsara mhux biss għar-reputazzjoni tal-pajjiż iżda, l-aktar importanti, għall-prospetti futuri ta' żvilupp tiegħu;

15.

Jenfasizza li huwa l-kompitu kondiviż tal-Gern tal-Bangladesh, is-settur privat lokali, il-komunità internazzjonali u s-sħab kummerċjali li jikkontribwixxu għall-għan prijoritarju ta' aġir ta' negozju responsabbli;

o

o o

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh, u lid-Direttur Ġenerali tal-ILO.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0414.

(2)  ĠU C 346, 21.9.2016, p. 39.

(3)  ĠU C 234, 28.6.2016, p. 10.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2017)0196.

(5)  ĠU C 482, 23.12.2016, p. 149.

(6)  ĠU C 436, 24.11.2016, p. 39.

(7)  ĠU C 36, 29.1.2016, p. 145.

(8)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.

(9)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.

(10)  ĠU C 24, 22.1.2016, p. 28.

(11)  ĠU C 24, 22.1.2016, p. 33.

(12)  Testi adottati, P8_TA(2016)0299.


Il-Ħamis 15 ta’ Ġunju 2017

18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/105


P8_TA(2017)0267

Il-każ ta’ Afgan Mukhtarli u s-sitwazzjoni tal-media fl-Ażerbajġan

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-każ tal-ġurnalist Ażerbajġani Afgan Mukhtarli (2017/2722(RSP))

(2018/C 331/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ażerbajġan, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,

wara li kkunsidra r-relazzjoni stabbilita bejn l-UE u l-Ażerbajġan, li daħlet fis-seħħ fl-1999 fil-forma ta' Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, il-ħolqien tas-Sħubija tal-Lvant u l-parteċipazzjoni tal-Ażerbajġan fl-Assemblea Parlamentari Euronest,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni adottata mill-Milli Majlis, il-parlament tar-Repubblika tal-Ażerbajġan, fit-30 ta' Settembru 2016 li biha jħassar id-deċiżjoni preċedenti tiegħu tal-14 ta' Settembru 2015 li jtemm is-sħubija u l-parteċipazzjoni tiegħu fl-Assemblea Parlamentari Euronest, u b'hekk għażel li jibqa' u jipparteċipa,

wara li kkunsidra l-mandat adottat fl-14 ta' Novembru 2016 għall-Kummissjoni Ewropea u l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) biex jinnegozjaw, f'isem l-UE u l-Istati Membri tagħha, ftehim komprensiv mar-Repubblika tal-Ażerbajġan u t-tnedija tan-negozjati dwar il-ftehim imsemmi hawn fuq fis-7 ta' Frar 2017,

wara li kkunsidra ż-żjara tal-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev, fi Brussell fis-6 ta' Frar 2017,

wara li kkunsidra ż-żjara reċenti tad-delegazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin fl-Ażerbajġan fit-22 ta' Mejju 2017,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Furzat,

wara li kkunsidra r-rapport tal-organizzazzjoni Freedom House intitolat “Freedom in the World 2017” (Il-Libertà fid-Dinja 2017), li jikkunsidra l-istampa fl-Ażerbajġan bħala “mhux libera” u l-internet hemmhekk bħala “parzjalment liberu”,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ dwar is-sentenzjar ta' Mehman Huseynov fl-Ażerbajġan fis-7 ta' Marzu 2017,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (AA/DCFTA) bejn l-UE u l-Georgia li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016,

wara li kkunsidra dikjarazzjonijiet fil-passat magħmula mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, Nils Muiznieks, dwar il-persekuzzjoni ta' ġurnalisti, attivisti tas-soċjetà ċivili/fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u membri tal-oppożizzjoni fl-Ażerbajġan,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Direttur tal-ODIHR (Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem) tal-OSKE, Michael Georg Link, dwar l-allegat ħtif u trattament ħażin fil-kustodja tal-ġurnalist u difensur Ażerbajġani tad-drittijiet tal-bniedem Afgan Mukhtarli tat-8 ta' Ġunju 2017,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tal-VP/RGħ dwar “detenzjoni illegali ta' ċittadini tar-Repubblika tal-Ażerbajġan residenti fil-Georgia”,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi Afgan Mukhtarli, ġurnalist investigattiv Ażerbajġani eżiljat, li mar jgħix fi Tbilisi fl-2015, sparixxa minn Tbilisi fid-29 ta' Mejju 2017 u reġa' tfaċċa ftit sigħat wara f'Baku;

B.

billi skont l-avukat tiegħu, Afgan Mukhtarli inħataf minn irġiel mhux identifikati li ġie rrapurtat li kienu lebsin l-uniformi tal-pulizija kriminali tal-Georgia, ġie imbuttat għal ġewwa karozza, safa msawwat u ġie misjuq lejn il-fruntiera tal-Ażerbajġan, fejn is-somma ta' EUR 10 000 ġiet allegatament imqiegħda fuq il-persuna tiegħu;

C.

billi Afgan Mukhtarli issa qed jiffaċċja prosekuzzjoni talli qasam illegalment il-fruntiera u talli wettaq traffikar u vjolenza kontra awtorità tal-pulizija; billi l-akkużi msemmija hawn fuq jistgħu jwasslu għal sentenza ta' diversi snin il-ħabs u billi fil-31 ta' Mejju 2017 huwa ġie kkundannat minn qorti għal tliet xhur ta' detenzjoni qabel il-proċess;

D.

billi Afgan Mukhtarli ħadem għal bosta stabbilimenti indipendenti tax-xandir, li jinkludu Radio Free Europe/Radio Liberty, u huwa magħruf għall-kopertura ġurnalistika kritika tiegħu fil-konfront tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan; billi huwa mar fl-eżilju fil-Georgia biex jaħrab tpattija għall-ħidma tiegħu min-naħa tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan;

E.

billi l-Georgia hija stat li huwa parti għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u għaldaqstant hija r-responsabilità tal-Georgia li tiggarantixxi s-sikurezza taċ-ċittadini tal-Ażerbajġan li jgħixu fit-territorju tagħha u li timpedixxi kwalunkwe ritorn furzat lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom; billi ċ-ċittadini tal-Ażerbajġan, madankollu, qed iħabbtu wiċċhom dejjem aktar ma' sitwazzjoni fejn qed jiġi miċħud lilhom li jtawlu l-permessi ta' residenza tagħhom fil-Georgia;

F.

billi l-President tal-Georgia, Giorgi Margvelashvili, stqarr li l-ħtif ta' Afgan Mukhtarli jikkostitwixxi “sfida serja għall-istatus ta' stat u s-sovranità [tal-Georgia]”;

G.

billi l-Ministeru tal-Intern tal-Georgia nieda investigazzjoni skont l-Artikolu 143 tal-Kodiċi Kriminali – il-priġunerija illegali – dwar il-każ ta' Afgan Mukhtarli u beda komunikazzjoni mal-kontropartijiet tiegħu fl-Ażerbajġan dwar din il-kwistjoni;

H.

billi s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan matul l-aħħar ftit snin għadha kwistjoni li tqajjem tħassib serju, bi tkomplija tal-intimidazzjoni u r-ripressjoni, il-prattika tal-persekuzzjoni, rapporti dwar tortura, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment ta' mexxejja ta' NGOs, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, membri tal-oppożizzjoni, ġurnalisti u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili;

I.

billi fis-17 ta' Mejju 2017, il-Qorti tal-Appell ta' Baku ordnat li Leyla u Arif Yunus, li ngħataw asil politiku fin-Netherlands, jintbagħtu lura lejn l-Ażerbajġan għal smigħ mill-ġdid fil-qorti;

J.

billi fit-12 ta' Mejju 2017, wara li saret talba mill-Ministeru tat-Trasport, il-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija Għolja, il-qorti tad-distrett ta' Sabail ikkonfermat id-deċiżjoni li jiġu mblukkati ħames stabbilimenti tax-xandir online, inklużi s-Servizz tal-Ażerbajġan ta' Radio Free Europe/Radio Liberty (RFE/RL), Azadliq.info, Meydan TV u l-kanali tat-TV bis-satellita Turan TV u Azerbaijani Saadi;

K.

billi t-tnedija mill-ġdid tar-relazzjonijiet bejn il-Milli Majlis tar-Repubblika tal-Ażerbajġan u l-Parlament Ewropew u s-sħubija mġedda tal-Ażerbajġan u l-parteċipazzjoni tiegħu fl-Assemblea Parlamentari Euronest u fl-attivitajiet tagħha taw prova li huma siewja;

L.

billi, fis-7 ta' Frar 2017, l-UE u l-Ażerbajġan nedew in-negozjati dwar ftehim ġdid li se jsegwi l-prinċipji appoġġjati fl-analiżi tal-2015 tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u se joffri bażi ġdida għad-djalogu politiku u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan;

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-ħtif ta' Afgan Mukhtarli fi Tbilisi u d-detenzjoni arbitrarja sussegwenti tiegħu f'Baku; iqis dan bħala vjolazzjoni serja tad-drittijiet tal-bniedem u jikkundanna dan l-att gravi ta' ksur tal-liġi;

2.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Georgia biex jiżguraw investigazzjoni fil-pront, bir-reqqa, trasparenti u effettiva dwar l-għajbien furzat ta' Afgan Mukhtarli fil-Georgia u t-trasferiment illegali tiegħu lejn l-Ażerbajġan u itellgħu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

3.

Iqis li huwa tal-akbar importanza li l-awtoritajiet tal-Georgia jagħmlu kull sforz possibbli biex jiċċaraw lil hinn minn kwalunkwe dubju kull suspett rigward l-involviment ta' aġenti tal-istat tal-Georgia fl-għajbien furzat;

4.

Ifakkar li hija r-responsabilità tal-awtoritajiet tal-Georgia li jipprovdu ħarsien liċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi li jgħixu fil-Georgia jew lil dawk li jitolbu asil politiku, li possibilment qed iħabbtu wiċċhom ma' konsegwenzi ġudizzjarji gravi fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom għal attivitajiet politiċi jew fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għaliha l-Georgia hija parti;

5.

Jikkundanna bil-qawwa l-prosekuzzjoni ta' Afgan Mukhtarli wara akkużi foloz u jtenni li dan qed jiġi persegwitat għall-ħidma tiegħu bħala ġurnalist indipendenti;

6.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan biex immedjatament u b'mod inkundizzjonat iwaqqgħu l-akkużi kollha kontra Afgan Mukhtarli u jeħilsuh, u biex jagħmlu dan ukoll ma' dawk kollha detenuti bħala riżultat tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluża l-libertà ta' espressjoni; jistieden, fil-każ ta' Afgan Mukhtarli, lill-awtoritajiet tal-Georgia jieħdu l-passi kollha meħtieġa b'rabta mal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan sabiex hu jkun jista' jerġa' jingħaqad mal-familja tiegħu;

7.

Jesprimi tħassib serju li l-każ ta' Afgan Mukhtarli huwa eżempju ieħor tal-fatt li l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan iqiegħdu fil-mira tagħhom u u jippersegwitaw lill-persuni li jikkritikawhom u li jgħixu fl-eżilju u lill-qraba tagħhom fl-Ażerbajġan; ifakkar fil-każijiet preċedenti ta' mandati ta' arrest internazzjonali mitluba għal ċittadini tal-Ażerbajġan li jgħixu fl-eżilju li jikkritikaw lill-awtoritajiet;

8.

Jitlob investigazzjoni immedjata, sħiħa, trasparenti, kredibbli u imparzjali dwar il-mewt tal-blogger u attivista Ażerbajġani Mehman Galandarov fit-28 ta' April 2017 meta kien jinsab fil-kustodja tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan;

9.

Jitlob il-ħelsien immedjat u inkundizzjonat mill-ħabs tal-priġunieri politiċi kollha, inklużi ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti oħrajn tas-soċjetà ċivili, jiġifieri Afgan Mukhtarli, Ilkin Rustamzadeh, Rashad Ramazanov, Seymur Hezi, Giyas Ibrahimov, Mehman Huseynov, Bayram Mammadov, Ilgar Mammadov, Araz Guliyev, Tofig Hasanli, Ilgiz Qahramanov, Afgan Sadygov u oħrajn, inklużi – iżda mhux biss – dawk koperti mis-sentenzi rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), u jitlob li jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom u li d-drittijiet politiċi u ċivili tagħhom jiġu stabbiliti kompletament mill-ġdid, u jitlob li dan jiġi estiż ukoll għall-priġunieri politiċi li kienu arrestati preċedentement u li nħelsu sadanittant, bħal Intigam Aliyev, Khadija Ismayilova u oħrajn;

10.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan itemmu l-persekuzzjoni kontinwa ta' Leyla u Arif Yunus u jiġbed l-attenzjoni tal-Interpol għal dan il-każ motivat minn raġunijiet politiċi;

11.

Itenni t-talba urġenti tiegħu lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan biex itemmu l-prattiki ta' prosekuzzjoni kriminali u ta' priġunerija selettivi ta' ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u oħrajn li jikkritikaw il-gvern, u biex jiżguraw li l-persuni kollha detenuti, inklużi l-ġurnalisti u l-attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili, igawdu d-drittijiet kollha ta' proċess ġust u jkunu koperti minn normi ta' proċess ġust;

12.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan biex jiżguraw li gruppi u attivisti indipendenti tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu joperaw mingħajr xkiel żejjed jew biża' ta' persekuzzjoni, inkluż billi jħassru l-liġijiet li jirrestrinġu severament lis-soċjetà ċivili, billi jirrilaxxaw il-kontijiet bankarji ta' gruppi mhux governattivi u tal-mexxejja tagħhom u billi jagħtu aċċess għal finanzjament barrani;

13.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Ażerbajġan biex jikkonforma bis-sħiħ mas-sentenzi kollha tal-KEDB u biex jikkoopera mal-Kummissjoni ta' Venezja u mal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tagħhom kif ukoll biex isegwi l-proċeduri speċjali tan-NU fir-rigward tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, il-libertà ta' espressjoni u l-arrest arbitrarju, bil-għan li jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu u jadatta l-prattiki tiegħu f'konformità sħiħa mal-konklużjonijiet tal-esperti;

14.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħelsien fl-Ażerbajġan ta' bosta personalitajiet difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u attivisti fl-2015 u l-2016;

15.

Jissottolinja l-importanza ta' klima politika tajba bejn il-gvern, il-forzi tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili inġenerali;

16.

Jissottolinja l-importanza tal-ftehim ta' sħubija l-ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ażerbajġan; jenfasizza li r-riformi demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jridu jkunu fil-qalba tal-ftehim il-ġdid; ifakkar li se jkun qed jissorvelja s-sitwazzjoni mill-qrib matul in-negozjati dwar ftehim ġdid, qabel ma jiddeċiedi jekk jagħtix l-approvazzjoni tiegħu;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Estern għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Presidenti, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Ażerbajġan u tal-Georgia, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/109


P8_TA(2017)0268

Il-Pakistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-piena tal-mewt

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-Pakistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-piena tal-mewt (2017/2723(RSP))

(2018/C 331/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2016 dwar il-Pakistan,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Impenn ta' Ħames Snin bejn l-UE u l-Pakistan,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Pakistan,

wara li kkunsidra l-Pjan Indikattiv Pluriennali (MIP) UE-Pakistan 2014-2020,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-Pakistan,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-kelliem tagħha dwar il-Pakistan,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, b'mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Pakistan hu firmatarju tiegħu,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Pakistan,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin, dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar il-Piena tal-Mewt, u l-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-2012,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Pakistan kellu moratorju fuq il-piena tal-mewt fis-seħħ sal-2015, iżda reġa' introduċiha wara l-massakru fl-iskola pubblika tal-armata f'Peshawar f'Diċembru 2014; billi t-tneħħija tal-moratorju inizjalment kienet biss għal attivitajiet terroristiċi, iżda sussegwentement ġiet estiża għar-reati kapitali kollha;

B.

billi l-Pakistan illum il-ġurnata għandu waħda mill-ikbar popolazzjonijiet fid-dinja ta' priġunieri kkundannati għall-mewt; billi ġew rappurtati każijiet ta' persuni ġġustizzjati waqt li l-mekkaniżmi ta' appell kienu għadhom għaddejjin;

C.

billi l-“liġi tal-blasfemija” tal-Pakistan (Taqsima 295-C tal-Kodiċi Penali) iġġorr magħha sentenza tal-mewt mandatorja; billi attwalment mijiet ta' nies qed jistennew li jiġu proċessati mill-qrati, u għadd ta' individwi qed jistennew li jiġu ġġustizzjati fuq akkużi ta' “blasfemija”; billi l-liġi hi meqjusa li fiha definizzjonijiet vagi li jagħtu lok għal abbuż kontra dissidenti politiċi jew biex tiġi msikkta kwalunkwe kritika leġittima fil-konfront tal-istituzzjonijiet u entitajiet oħra tal-istat;

D.

billi f'Marzu 2017, il-Prim Ministru ordna projbizzjoni fuq kwalunkwe materjal “blasfem” online, u l-awtoritajiet tal-Pakistan talbu l-kumpaniji tal-midja soċjali biex jgħinuhom jidentifikaw ċittadini Pakistani ssuspettati li wettqu “blasfemija”; billi fl-14 ta' April 2017, Mashal Khan, student fl-Università Abdul Wali Khan, inqatel minn ġemgħa ta' studenti oħra wara li ġie akkużat li ppubblika materjal “blasfem” online; billi fl-10 ta' Ġunju 2017, qorti ta' kontra t-terroriżmu fil-Pakistan ikkundannat lil Taimoor Raza għall-mewt talli allegatament wettaq att ta' “blasfemija” fuq Facebook; billi l-attivista Baba Jan u 12-il dimostant oħra ngħataw sentenzi ta' ħabs għal għomorhom, l-aktar sentenza ħarxa li qatt ingħatat lil persuni li ħadu sehem f'dimostrazzjonijiet;

E.

billi l-Assemblea Nazzjonali tal-Pakistan għaddiet riżoluzzjoni fit-18 ta' April 2017, li kkundannat il-qtil ta' Mashan Khan minn ġemgħa vjolenti fuq allegazzjonijiet ta' “blasfemija”; billi s-Senat iddibatta riformi biex jitrażżan l-abbuż;

F.

billi l-qrati militari ġew awtorizzati għal sentejn, filwaqt li l-ġudikatura ċivili suppost kellha tiġi msaħħa; billi ftit sar progress fl-iżvilupp tal-ġudikatura, u fit-22 ta' Marzu 2017, il-qrati militari b'mod kontroversjali reġgħu ġew introdotti wara perjodu ieħor ta' sentejn;

G.

billi ġew innotati diversi episodji fejn fil-Pakistan, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dissidenti politiċi u membri ta' minoranzi jew gruppi reliġjużi bħall-Ahmadiyya esperjenzaw intimidazzjoni, attakki, priġunerija, tortura, fastidju u saħansitra qtil; billi informazzjoni miġbura mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju u mill-NGOs żvelat li l-għajbien furzat qed isir mill-awtoritajiet tas-sigurtà u tal-infurzar tal-liġi, inkluż il-pulizija u l-aġenziji tal-intelligence; billi lanqas awtur wieħed ma ġie proċessat b'suċċess mill-qrati;

H.

billi ċ-ċittadin Indjan Kulbhushan Jadhav instab ħati minn qorti militari f'April 2017 u ġie kkundannat għall-mewt; billi l-każ bħalissa jinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali minħabba li ġie miċħud lilu d-dritt ta' aċċess konsolari; billi fl-4 ta' Mejju 2017, tifel ta' 10 snin inqatel u ħames persuni oħra ndarbu f'attakk minn ġemgħa nies fuq għassa tal-pulizija f'Balochistan, attakk li hu maħsub li kien immotivat minn allegazzjonijiet ta' “blasfemija”; billi fit-30 ta' Mejju 2017, l-allegat stupru ta' adolexxenti (li fil-midja lokali ssemmiet biss bl-isem ta' “Shumaila”) minn membru tal-familja tagħha f'Rajanpur wassal biex il-vittma ġiet ikkundannata għall-mewt minn qorti tribali; billi dawn il-każijiet mhumiex avvenimenti iżolati;

I.

billi l-każ ta' Aasiya Noreen, magħrufa aħjar bħala Asia Bibi, għadu kwistjoni ta' importanza serja rigward id-drittijiet tal-bniedem fil-Pakistan; billi Asia Bibi, mara Nisranija Pakistana, instabet ħatja ta' atti blasfemi minn qorti Pakistana u ġiet ikkundannata għall-mewt permezz ta' tgħalliq fl-2010; billi, jekk tinqatel, Asia Bibi tkun l-ewwel mara li tkun inqatlet legalment fil-Pakistan għal atti blasfemi; billi diversi petizzjonijiet internazzjonali talbu l-ħelsien tagħha peress li kienet qed tiġi ppersegwitata minħabba r-reliġjon tagħha; billi l-Ministru tal-Minoranzi Nisrani Shahbaz Bhatti u l-politiku Musulman Salmaan Taseer inqatlu minn vigilantes talli qabżu għaliha u tkellmu kontra l-“liġijiet dwar atti blasfemi”; billi minkejja s-sospensjoni temporanja tal-piena tal-mewt ta' Asia Bibi, hija għadha l-ħabs sal-lum u l-familja tagħha għadha moħbija;

J.

billi r-repressjoni tal-NGOs qed tkompli għaddejja; billi, bl-iskuża tal-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali kontra t-terroriżmu, il-membri ta' diversi NGOs ġew intimidati u ffastidjati, waqt li l-uffiċċji ta' wħud minnhom ġew magħluqa;

K.

billi 12-il miljun mara m'għandhomx karta tal-identità nazzjonali, u għaldaqstant m'għandhomx id-dritt li jirreġistraw biex jivvotaw fl-elezzjonijiet; billi diversi missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE għamlu rakkomandazzjoni għal titjib fil-proċess elettorali għall-elezzjonijiet li ġejjin, li huma skedati għall-2018;

L.

billi l-Pakistan daħal fl-iskema GSP + fl-1 ta' Jannar 2014; billi din l-iskema jenħtieġ tipprovdi inċentiv qawwi għar-rispett tad-drittijiet ewlenin tal-bniedem u tal-ħaddiema, l-ambjent u l-prinċipji tal-governanza tajba;

M.

billi l-UE għadha impenjata għalkollox li tkompli d-djalogu u l-impenn tagħha mal-Pakistan taħt il-Pjan ta' Impenn ta' Ħames Snin u s-sostitut tiegħu;

1.

Itenni l-oppożizzjoni qawwija tal-UE għall-piena tal-mewt, f'kull każ u mingħajr eċċezzjoni; jitlob li jkun hemm abolizzjoni universali tal-piena kapitali; jesprimi tħassib serju dwar id-deċiżjoni tal-Pakistan li jneħħi l-moratorju, waqt li l-iġġustizzjar issa qed ikompli b'rata allarmanti; jistieden lill-Pakistan jerġa' jdaħħal il-moratorju, bl-objettiv aktar fit-tul ta' abolizzjoni totali tal-piena tal-mewt;

2.

Jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti tal-użu tal-piena tal-mewt fil-Pakistan wara proċessi mhux għalkollox korretti, l-eżekuzzjoni ta' persuni minorenni u persuni b'disturbi mentali, u allegazzjonijiet ta' tortura; jistieden lill-gvern jallinja d-dispożizzjonijiet dwar il-piena tal-mewt fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt u l-istandards internazzjonali, inkluż waqfien tal-iġġustizzjar għal kwalunkwe reat għajr il-qtil intenzjonat, projbizzjoni fuq l-eżekuzzjoni ta' delinkwenti minorenni u ta' persuni b'disturbi mentali, u moratorju fuq it-twettiq ta' eżekuzzjonijiet meta l-appelli jkunu għadhom pendenti;

3.

Jiddeplora r-rigress tal-Pakistan fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-binedem u l-istat tad-dritt, u b'mod partikolari ż-żieda fil-każijiet ta' qtil extraġudizzjarju u l-intimidazzjoni u l-użu tal-forza kontra l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-NGOs u persuni li jikkritikaw il-gvern; ifakkar l-obbligi tal-gvern tal-Pakistan li jiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali; jilqa' l-adozzjoni mill-Pakistan ta' Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem, u jitlob li dan jissarraf fi progress tanġibbli; iwissi f'dan ir-rigward li l-UE tkun estremament imħassba jekk l-attivisti se jkomplu jkunu l-vittmi ta' tali prattiki, u jekk mhux se jkun innotat progress;

4.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-libertà wiesgħa ta' operazzjoni li jgawdu l-forzi tas-sigurtà, u jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jiżgura skrutinju aqwa tal-azzjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu investigazzjoni fil-pront u imparzjali tal-każijiet ta' qtil fil-kustodja u qtil mill-forzi tas-sigurtà, kif ukoll l-allegazzjonijiet ta' tortura, u biex jipproċessaw quddiem il-qrati lill-awturi ta' tortura u ta' qtil extraġudizzjarju;

5.

Jiddeplora l-użu ta' qrati militari fil-Pakistan, li jagħmlu s-seduti b'mod sigriet u għandhom ġurisdizzjoni fuq persuni ċivili; jinsisti li l-awtoritajiet tal-Pakistan jagħtu aċċess lill-osservaturi internazzjonali u lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem għall-finijiet ta' monitoraġġ tal-użu tal-qrati militari; jitlob ukoll li ssir tranżizzjoni immedjata u trasparenti lejn qrati ċivili indipendenti, skont l-istandards internazzjonali tal-proċedimenti ġudizzjarji; jenfasizza li ċittadini ta' pajjiżi terzi li jitressqu quddiem il-qrati jridu jingħataw aċċess għas-servizzi u l-protezzjoni konsulari;

6.

Jinsab imħasseb ferm dwar l-użu kontinwat tal-“liġi tal-blasfemija”, u jemmen li din qed iżżid il-klima ta' intolleranza reliġjuża; jinnota s-sejbiet tal-Qorti Suprema tal-Pakistan li individwi akkużati bi “blasfemija” 'isofru tbatija bla proporzjon u li ma tistax tissewwa' fl-assenza ta' salvagwardji adegwati kontra l-applikazzjoni ħażina jew l-użu ħażin ta' dawn il-liġijiet; jistieden għaldaqstant lill-Gvern tal-Pakistan biex jirrevoka t-Taqsimiet 295-A, 295-B u 295-C tal-Kodiċi Penali, u biex jistabbilixxi salvagwardji proċedurali u istituzzjonali effettivi għall-prevenzjoni tal-użu ħażin ta' akkużi ta' “blasfemija”; jistieden ukoll lill-gvern biex jieħu pożizzjoni aktar soda ta' kundanna ta' atti ta' viġilantiżmu kontra persuni li allegatament iwettqu “blasfemija”, u jħeġġu biex ma jużax ir-retorika tal-“blasfemija”;

7.

Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex jieħu azzjoni urġenti ħalli jipproteġi l-ħajjiet u d-drittijiet tal-ġurnalisti u l-bloggers; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-talba magħmula mill-awtoritajiet tal-Pakistan lil Twitter u lil Facebook biex jiżvelaw informazzjoni dwar l-utenti tagħhom sabiex jidentifikaw lill-individwi suspettati bi “blasfemija”; jistieden lill-Gvern u lill-Parlament tal-Pakistan jemendaw l-Att dwar il-Prevenzjoni ta' Reati Elettroniċi tal-2016 u jneħħu d-dispożizzjonijiet b'firxa wiesgħa żżejjed għall-monitoraġġ u ż-żamma tad-data u għall-għeluq ta' siti web abbażi ta' kriterji vagi; jitlob ukoll li s-sentenzi tal-mewt kollha mogħtija għal akkużi ta' “blasfemija” jew oppożizzjoni politika jiġu mibdula, inkluża s-sentenza mogħtija lill-Taimoor Raza; jistieden f'dan il-kuntest lill-President tal-Pakistan biex jagħmel użu mis-setgħa tiegħu ta' klemenza;

8.

Jinnota l-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Impenn ta' Ħames Snin UE-Pakistan, iżda jesprimi t-tama li l-Pjan ta' Impenn Strateġiku li għandu jiġi finalizzat fl-2017 ikun ambizzjuż u jgħin biex jissaħħu r-rabtiet bejn l-UE u l-Pakistan;

9.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan isolvi, bl-aktar mod pożittiv u rapidu possibbli, il-każ li għaddej ta' Asia Bibi; jirrakkomanda li jittieħdu passi biex tiġi żgurata s-sikurezza tas-Sa Bibi u l-familja tagħha fid-dawl tat-trattament storiku ta' vittmi ta' allegazzjonijiet ta' atti blasfemi minn vigilantes u atturi mhux ġudizzjarji;

10.

Ifakkar li l-għoti ta' status GSP+ huwa kondizzjonali u li l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali hi rekwiżit essenzjali taħt din l-iskema; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan jagħmel sforzi qawwija biex jimplimenta s-27 konvenzjoni ewlenin u juri progress;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-SEAE jqajmu dawn il-kwistjonijiet mal-awtoritajiet tal-Pakistan waqt id-Djalogu regolari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

12.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Pakistan.

18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/113


P8_TA(2017)0269

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Indoneżja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Indoneżja (2017/2724(RSP))

(2018/C 331/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Indoneżja, b'mod partikolari dik tad-19 ta' Jannar 2017 (1),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u l-Indoneżja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2014, u l-istqarrija konġunta għall-istampa tad-29 ta' Novembru 2016 wara l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Indoneżja skont il-FSK,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tad-9 ta' Mejju 2017 dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u l-libertà ta' espressjoni,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem – Kumpilazzjoni dwar l-Indoneżja, tas-17 ta' Frar 2017, u l-Eżami Perjodiku Universali (It-Tielet Ċiklu) u s-Sommarju tas-sottomissjonijiet tal-partijiet interessati dwar l-Indoneżja, tal-20 ta' Frar 2017,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Lulju 2016 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar l-eżekuzzjonjiet ippjanati fl-Indoneżja,

wara li kkunsidra s-Sitt Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indoneżja tat-28 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Bangkok dwar il-Promozzjoni ta' Sħubija Globali UE-ASEAN għal Għanijiet Strateġiċi Komuni tal-14 ta' Ottubru 2016,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li ġie rratifikat mill-Indoneżja fl-2006,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1987,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Indoneżja hija n-nazzjon bir-raba' l-akbar popolazzjoni fid-dinja, it-tielet l-akbar demokrazija, l-akbar pajjiż b'maġġoranza Musulmana, u soċjetà diversa magħmula minn 255 miljun ċittadin ta' etniċitajiet, lingwi u kulturi differenti;

B.

billi l-Indoneżja hija sieħba importanti tal-UE; billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indoneżja, li hija membru tal-G20, huma qawwija; billi l-UE u l-Indoneżja jikkondividu l-istess valuri f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza u d-demokrazija;

C.

billi fl-2016 kien hemm għadd bla preċedent ta' attakki verbali vjolenti, diskriminatorji u vessatorji u dikjarazzjonijiet vitrijoliċi kontra persuni LGBTI fl-Indoneżja; billi ġie rrapportat li tali attakki ġew imkebbsa, direttament jew indirettament, minn uffiċjali tal-gvern, istituzzjonijiet tal-istat u estremisti; billi, barra minn hekk, in-natura ta' tali attakki ggravat fl-2017;

D.

billi fil-provinċja awtonoma speċjali ta' Aceh, iggvernata mill-liġi tax-Xarija, atti sesswali kunsenswali bejn persuni tal-istess sess u relazzjonijiet sesswali barra miż-żwieġ huma kriminalizzati u jġorru piena ta' massimu ta' 100 daqqa u 100 xahar ħabs; billi, f'Mejju 2017, żewġt irġiel żgħażagħ ikkundannati għal relazzjonijiet sesswali bejn persuni tal-istess sess ġew ikkundannati għal 85 daqqa ta' qasba; billi d-dritt li persuna ma tiġix ittorturata huwa dritt fundamentali u inaljenabbli;

E.

billi fil-bqija tal-Indoneżja l-omosesswalità mhijiex illegali; billi l-komunità LGBTI, madankollu, ġiet assedjata fis-snin riċenti;

F.

billi ġew arrestati 141 raġel għal “ksur tal-liġijiet tal-pornografija” f'rejd tal-pulizija f'gay club f'Jakarta fil-21 ta' Mejju 2017;

G.

billi, sa minn Jannar 2016, il-Qorti Kostituzzjonali fl-Indoneżja qed tirrieżamina petizzjoni mmirata biex tikkriminalizza atti sesswali gay u barra miż-żwieġ;

H.

billi hemm intolleranza li qed tikber lejn il-minoranzi reliġjużi fl-Indoneżja, u dan sar possibbli permezz ta' liġijiet u regolamenti diskriminatorji, inkluża liġi dwar il-blasfemja li tirrikonoxxi uffiċjalment sitt reliġjonijiet biss; billi sa Ġunju 2017, bosta persuni kienu nstabu ħatja u ntbagħtu l-ħabs taħt il-liġijiet dwar il-blasfemja;

I.

billi f'Jannar 2017 il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (Komisi Nasional Hak Asaki Manusia) sabet li xi provinċji, bħall-Java tal-Punent, iġarrbu ħafna aktar intolleranza reliġjuża minn oħrajn, u li l-uffiċjali reġjonali governattivi huma ta' sikwit responsabbli jew għat-tolleranza jew għall-perpetrazzjoni diretta tal-abbużi;

J.

billi hemm tħassib serju dwar l-intimidazzjoni u l-vjolenza kontra l-ġurnalisti; billi jenħtieġ li l-ġurnalisti jkollhom aċċess għall-pajjiż kollu;

K.

billi, skont il-Human Rights Watch, bejn l-2010 u l-2015, 49 % tal-bniet tal-età ta' 14-il sena jew iżgħar kienu vittmi tal-mutilazzjoni ġenitali femminili;

L.

billi l-awtoritajiet qatlu lil erba' persuni li nstabu ħatja għal traffikar tad-drogi f'Lulju 2016 u indikaw li 10 priġunieri ikkundannati għall-mewt se jiġu maqtula fl-2017;

1.

Japprezza r-relazzjoni qawwija bejn l-UE u l-Indoneżja, u jtenni l-importanza ta' rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali qawwija u fit-tul bejn iż-żewġ partijiet; jenfasizza l-importanza tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Indoneżja, li jippermetti skambju miftuħ dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, li huma wkoll il-bażi tal-FSK;

2.

Jitlob kuntatti aktar b'saħħithom bejn l-UE u l-Indoneżja li permezz tagħhom kwistjonijiet differenti ta' interess reċiproku, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, jistgħu jiġu diskussi b'mod kostruttiv; jistieden lill-parlament Indoneżjan isaħħaħ dawn ir-relazzjonijiet interparlamentari;

3.

Jilqa' l-involviment attiv tal-Indoneżja f'livelli reġjonali u multilaterali; jenfasizza li l-Indoneżja riċentement ġiet eżaminata fil-kuntest tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) waqt il-laqgħa tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Mejju 2017; jissottolinja li, bħal f'ċikli preċedenti, l-Indoneżja ssottomettiet ruħha għal dan l-eżami fuq bażi volontarja;

4.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-provinċja awtonoma speċjali ta' Aceh sabiex jipprevjenu persekuzzjoni ulterjuri ta' persuni omosesswali u jiddekriminalizzaw l-omosesswalità billi jemendaw il-Kodiċi Kriminali Iżlamiku tagħha; jikkundanna bil-qawwi s-swat b'qasba ta' żewġt irġiel omosesswali tal-etajiet ta' 20 u 23 sena f'Aceh fit-22 ta' Mejju 2017, li kienet l-ewwel darba li l-awtoritajiet f'Aceh sawwtu persuni b'qasba minħabba prattiki omosesswali; jikkundanna bil-qawwi l-fatt li l-omosesswalità hija illegali skont il-Kodiċi Kriminali Iżlamiku ta' Aceh, li hu bbażat fuq il-liġi tax-Xarija; jenfasizza li l-kastig taż-żewġt irġiel huwa trattament krudili, inuman u degradanti li jista' jammonta għal tortura skont id-dritt internazzjonali; jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet biex immedjatament jitterminaw is-swat fil-pubbliku;

5.

Huwa wkoll imħasseb dwar iż-żieda fl-intolleranza lejn il-komunità LGBTI Indoneżjana barra mill-provinċja awtonoma speċjali ta' Aceh; jikkundanna bil-qawwi l-fatt li, minkejja li l-omosesswalità mhijiex delitt skont il-Kodiċi Kriminali tal-Indoneżja, 141 raġel ġew arrestati f'rejd tal-pulizija f'gay club f'Jakarta fil-21 ta' Mejju 2017; iħeġġeġ lill-awtoritajiet u lill-uffiċjali tal-gvern joqgħodu lura milli jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi li huma diskriminatorji kontra persuni LGBTI jew minoranzi oħra fil-pajjiż; jenfasizza li l-pulizija għandhom id-dmir li jinfurzaw il-liġi u li jipproteġu lill-minoranzi vulnerabbli u li ma jippersegwitawhomx;

6.

Jiċħad l-affermazzjoni tal-Assoċjazzjoni Psikjatrika Indoneżjana li l-omosesswalità u t-“transġeneriżmu” huma kundizzjonijiet ta' saħħa mentali; jistieden lill-awtoritajiet itemmu d-detenzjoni bil-forza ta' individwi LGBTI u wkoll biex itemmu l-forom kollha ta' “trattament” li jippretendi li “jikkurahom” mill-omosesswalità, il-bisesswalità, jew l-identità transġenera, u li jinfurzaw rigorożament il-projbizzjoni;

7.

Jilqa' d-dikjarazzjoni mill-President Widodo tad-19 ta' Ottubru 2016 li tikkundanna d-diskriminazzjoni tal-persuni LGBTI; jistieden lill-President Widodo juża l-pożizzjoni ewlenija tiegħu biex jikkundanna pubblikament l-intolleranza u d-delitti li jitwettqu kontra persuni LGBTI, il-minoranzi, in-nisa u l-organizzazzjonijiet jew assemblej fil-pajjiż;

8.

Jitlob li ssir reviżjoni tal-liġi dwar il-blasfemja peress li tqiegħed lill-minoranzi reliġjużi f'riskju; jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tan-NU biex jiġu revokati l-Artikoli 156 u 156(a) tal-Kodiċi Kriminali, l-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Abbuż u d-Diffamazzjoni tar-Reliġjon, l-Att dwar it-Tranżazzjonijiet u d-Data Elettroniċi u biex jiġu abbandunati l-imputazzjonijiet imressqa kontra dawk akkużati bi blasfemja u l-prosekuzzjoni tagħhom;

9.

Huwa mħasseb dwar iż-żieda fl-intolleranza lejn il-minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali fl-Indoneżja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Indoneżja jkomplu wkoll isaħħu l-isforzi tagħhom biex iżidu t-tolleranza reliġjuża u d-diversità soċjali; jikkundanna bil-qawwi l-atti kollha ta' vjolenza, fastidju u intimidazzjoni kontra l-minoranzi; jitlob li dawk kollha li jwettqu tali ksur jinżammu responsabbli;

10.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ksur serju tal-libertà tal-midja; iħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan jinsisti li l-aġenziji statali jadottaw politika ta' tolleranza żero lejn l-abbuż fiżiku tal-ġurnalisti u jagħti aċċess miftuħ għall-pajjiż lill-midja barranija;

11.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Indoneżja jirrevokaw id-dispożizzjonijiet legali kollha li jirrestrinġu indebitament il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet tal-Indoneżja jirrieżaminaw il-liġijiet kollha u jiżguraw il-konformità tagħhom mal-obbligi internazzjonali tal-pajjiż, speċifikament dawk dwar il-libertà ta' espressjoni, ta' ħsieb, kuxjenza u reliġjon, l-ugwaljanza quddiem il-liġi, il-libertà mid-diskriminazzjoni, u d-dritt għal espressjoni u għaqda pubblika;

12.

Huwa mħasseb dwar rapporti ta' vjolenza persistenti kontra n-nisa u prattiki ta' ħsara għan-nisa, bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili; jistieden lill-awtoritajiet tal-Indoneżja jinfurzaw il-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-vjolenza kontra n-nisa, jippenalizzaw il-forom kollha ta' vjolenza sesswali, jilleġiżlaw għall-eliminazzjoni tal-inugwaljanza bejn is-sessi u jemanċipaw lin-nisa;

13.

Jilqa' s-sospensjoni ta' eżekuzzjonijiet ta' persuni kkundannati għall-mewt misjuba ħatja ta' traffikar ta' drogi sakemm isir rieżami tal-kawża tagħhom; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Indoneżja jkompli jwaqqaf l-eżekuzzjonijiet kollha bħal dawn u jipproċessahom mill-ġdid f'konformità mal-istandards internazzjonali; jitlob li jitreġġa' minnufih moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt, bil-ħsieb li tiġi abolita l-piena tal-mewt;

14.

Jistieden lill-Gvern Indoneżjan jissodisfa l-obbligi tiegħu u jirrispetta, jipproteġi u jħares id-drittijiet u l-libertajiet minquxa fl-ICCPR;

15.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Indoneżja, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), lill-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2017)0002.


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/116


P8_TA(2017)0270

L-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (2016/2064(INI))

(2018/C 331/17)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, l-Hub Ewropew Konsultattiv tal-Investiment u l-Portal Proġett Ewropew għall-Investiment u jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (1) (ir-Regolament dwar l-FEIS),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni tal-31 ta’ Mejju 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-ġestjoni tal-Fond ta' Garanzija tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi fl-2015 (COM(2016)0353),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata “L-Ewropa tinvesti mill-ġdid – Evalwazzjoni tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-passi li jmiss” (COM(2016)0359),

wara li kkunsidra r-rapport annwali mill-Bank Ewropew tal-Investiment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Operazzjonijiet ta' Finanzjament u Investiment tal-Grupp tal-BEI għall-2015 taħt l-FEIS (2),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD(2016)0297), ‘L-Evalwazzjoni tal-funzjonament tal-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiċi (FEIS) mill-Bank Ewropew tal-Investiment (3), lill-verifika ad-hoc tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/1017 minn Ernst and Young (4) u l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (5),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 dwar l-estensjoni tat-tul tal-Fond Ewropew għall-Strateġika Investimenti kif ukoll l-introduzzjoni ta 'titjib teknika ma' dik Fond u l-Hub Konsultattiv Ewropew tal-Investiment (COM(2016)0597),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi adottat fil-wieħed u għoxrin sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li saret f'Pariġi, fi Franza f'Diċembru 2015,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (6),

wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (7),

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja, u l-Anness 3 għaliha,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0200/2017),

1.

Jinnota d-distakk kbir fl-investiment fl-Ewropa, li l-Kummissjoni tistma li huwa ta' EUR 200-300 biljun fis-sena; jenfasizza b'mod partikulari, f'dan il-kuntest, il-ħtiġijiet fl-Ewropa għal finanzjament b'riskju għoli, b'mod partikolari fl-oqsma ta' finanzjament tal-SMEs, R&Ż, l-ICT u l-infrastruttura tat-trasport, tal-komunikazzjoni u tal-enerġija, li huma neċessarji biex isostnu l-iżvilupp ekonomiku inklużiv; huwa mħasseb għall-fatt li l-aktar data riċenti dwar il-kontijiet nazzjonali ma tindika l-ebda żieda f'daqqa fl-investiment minn meta tnieda l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), u dan wassal għal tħassib li, jekk ma jsirx tibdil, se jibqa' jkun hemm tkabbir imrażżan u r-rati għolja ta' qgħad se jibqgħu, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet il-ġodda; jenfasizza li l-għeluq ta' dan id-distakk fl-investiment billi jinħoloq ambjent li jwassal għall-investiment f'ċerti oqsma strateġiċi huwa kruċjali għall-għoti tal-ħajja mill-ġdid lit-tkabbir, il-ġlieda kontra l-qgħad, il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' industrija b'saħħitha, sostenibbli u kompetittiva u l-kisba tal-objettivi ta' politika tal-UE fit-tul;

2.

Jenfasizza r-rwol tal-FEIS biex jgħin biex jissolvew diffikultajiet u jitneħħew l-ostakli għall-finanzjament kif ukoll biex jiġu implimentati investimenti strateġiċi, trasformattivi u produttivi li jipprovdu livell għoli ta' valur miżjud għall-ekonomija, l-ambjent u s-soċjetà, li jirriforma u jimmodernizza l-ekonomiji tal-Istati Membri, biex joħloq it-tkabbir u l-impjiegi li għalihom il-finanzjament tas-suq ma jkunx inkiseb minkejja l-vijabilità ekonomika, u li jinkoraġġixxi l-investiment privat fir-reġjuni kollha tal-UE;

3.

Ifakkar ir-rwol tal-Parlament kif ipprovdut fir-regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-FEIS; jirrikonoxxi, madankollu, li għadu kmieni wisq biex tiġi finalizzata valutazzjoni komprensiva bbażata fuq l-evidenza tal-funzjonament tal-FEIS u l-impatt tiegħu fuq l-ekonomija tal-UE, iżda huwa tal-opinjoni li evalwazzjoni preliminari bbażata fuq data komprensiva dwar il-proġetti magħżula u rrifjutati u d-deċiżjonijiet relatati hija kruċjali sabiex jiġu identifikati l-oqsma possibbli ta' titjib għal FEIS 2.0 u wara; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti b'valutazzjoni komprensiva malli l-informazzjoni ssir disponibbli;

Addizzjonalità

4.

Ifakkar li l-għan tal-FEIS huwa li tiġi żgurata l-addizzjonalità billi jgħin biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali, billi jappoġġja operazzjonijiet li ma setgħux jitwettqu, jew mhux sal-istess punt, taħt strumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni jew permezz ta' sorsi privati mingħajr l-involviment tal-FEIS; jinnota, madankollu, li hemm il-ħtieġa għal aktar kjarifika tal-kunċett ta' addizzjonalità;

5.

Ifakkar li l-proġetti appoġġjati mill-FEIS, filwaqt li kellhom l-għan li joħolqu x-xogħol, t-tkabbir sostenibbli, il-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali b'mod konsistenti mal-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament dwar il-FEIS, jitqiesu li jipprovdu addizzjonalità jekk ikollhom riskju korrispondenti għall-attivitajiet speċjali tal-BEI, kif definit fl-Artikolu 16 tal-Istatut tal-BEI u fil-linji gwida dwar il-politika tar-riskju tal-kreditu tal-BEI; ifakkar li l-proġetti appoġġjati mill-FEIS għandhom ġeneralment ikollhom profil tar-riskju ogħla minn proġetti appoġġjati mill-operazzjonijiet normali tal-BEI; jissottolinja li l-proġetti tal-BEI li għandhom riskju aktar baxx mir-riskju minimu taħt attivitajiet speċjali tal-BEI jistgħu jiġu appoġġjati wkoll mill-FEIS anke jekk l-użu tal-garanzija tal-UE huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-addizzjonalità;

6.

Jinnota li, filwaqt li l-proġetti kollha approvati taħt il-FEIS huma preżentati bħala “attivitajiet speċjali”, evalwazzjoni indipendenti sabet li xi proġetti setgħu ġew iffinanzjati mingħajr l-użu tal-garanzija tal-UE;

7.

Jitlob lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-BEI u mal-istrutturi ta' governanza tal-FEIS, biex tfassal inventarju tal-finanzjament kollu tal-BEI appoġġjat mill-UE li jaqa' taħt il-kriterji tal-addizzjonalità u biex tipprovdi spjegazzjonijiet ċari u komprensivi tal-evidenza li l-proġetti ma setgħux twettqu permezz ta' modi oħra;

8.

Jinnota li jista' jkun hemm kontradizzjoni bejn l-għanijiet kwalitattivi u kwantitattivi tal-FEIS fis-sens li, biex tintlaħaq il-mira tal-investiment privat attirat, il-BEI jista' jiffinanzja proġetti anqas riskjużi fejn l-interess tal-investituri diġà jkun jeżisti; iħeġġeġ lill-BEI u l-istrutturi ta' governanza tal-FEIS jimplimentaw addizzjonalità reali kif definit fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-FEIS u biex jiġi żgurat li l-fallimenti tas-suq u s-sitwazzjonijiet subottimali jiġu indirizzati bis-sħiħ;

9.

Jistieden lill-BEI jiżgura t-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġestjoni ta' fondi u mal-oriġini ta' kwalunkwe kontribuzzjoni minn entitajiet pubbliċi, privati u minn partijiet terzi, u biex jipprovdi data konkreta, inkluż fuq proġetti speċifiċi u fuq investituri barranin, u jenfasizza r-rekwiżiti ta' rappurtar lill-Parlament fir-Regolament dwar il-FEIS; itenni l-fatt li l-kontributuri kollha futuri potenzjali ta' pajjiżi terzi jridu jissodisfaw ir-regoli kollha tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, il-liġi tax-xogħol u r-regolamenti ambjentali u jistenna li l-kriterji soċjali u ambjentali applikabbli għall-proġetti tal-BEI jiġu rispettati bis-sħiħ fid-deċiżjonijiet ta' ffinanzjar ta' proġetti tal-FEIS;

It-tabella ta' valutazzjoni u l-għażla tal-proġett

10.

Jinnota li, kif previst fir-Regolament, qabel ma jintgħażel proġett għall-appoġġ mill-FEIS, irid jgħaddi minn proċessi ta' diliġenza dovuta u ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-istrutturi ta' governanza kemm tal-BEI kif ukoll tal-FEIS; josserva li l-promoturi tal-proġetti esprimew xewqa għal rispons mgħaġġel u trasparenza msaħħa fir-rigward kemm tal-kriterji tal-għażla kif ukoll tal-ammont u t-tip/segment ta' appoġġ possibbli tal-FEIS; isejjaħ għal aktar ċarezza sabiex tkompli tħeġġeġ lill-promoturi tal-proġetti biex japplikaw għal appoġġ tal-FEIS, inkluż billi t-tabella ta' valutazzjoni tkun disponibbli għall-applikanti għal finanzjament mill-FEIS; jitlob li l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet isir aktar trasparenti fir-rigward tal-kriterji tal-għażla u l-appoġġ finanzjarju u biex jitħaffef, filwaqt li jkompli jiżgura diliġenza dovuta robusta sabiex jiġu protetti r-riżorsi tal-UE; jissottolinja li sabiex jiġi ssimplifikat il-proċess ta' evalwazzjoni, b'mod partikolari għall-pjattaformi ta' investiment, jenħtieġ li tiġi inkoraġġita diliġenza dovuta konġunta minn naħa tal-BEI u tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali (NPBs), jew delega mill-BEI għall-NPBs;

11.

Iqis li l-kriterji li skonthom jiġu valutati l-proġetti u l-kontropartijiet eliġibbli jenħtieġ li jiġu ċċarati aktar; jitlob aktar informazzjoni mill-korpi governattivi tal-FEIS dwar l-evalwazzjonijiet imwettqa fuq il-proġetti kollha approvati taħt il-FEIS kif xieraq, b'mod partikolari fir-rigward tal-addizzjonalità tagħhom u l-kontribut tagħhom għat-tkabbir sostenibbli u kapaċità tagħhom tal-ħolqien tal-impjiegi, kif definit fir-regolament; jitlob, f'dak li għandu x'jaqsam ma' kontropartijiet eliġibbli, għal regoli stretti dwar il-governanza korporattiva għal dawn it-tipi ta' entità biex isiru sħab tal-FEIS aċċettabbli fir-rigward tal-prinċipji tal-UE u l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

12.

Ifakkar li t-tabella ta' valutazzjoni hija għodda biex il-Kumitat tal-Investiment (IC) jipprijoritizza l-użu tal-garanzija tal-UE għall-operazzjonijiet li jivviżwalizzaw punteġġi u valur miżjud ogħla, u li għandha tintuża mill-Kumitat tal-Investiment kif xieraq; għandu l-ħsieb li jevalwa jekk it-tabella ta' valutazzjoni u l-indikaturi tagħha humiex jiġu kkonsultati, applikati u wżati b'mod xieraq; jitlob li l-kriterji tal-għażla tal-proġetti jiġu applikati kif suppost u li dan il-proċess isir aktar trasparenti; ifakkar li, skont l-anness għar-regolament attwali, il-Kumitat ta' Investiment irid jassenja importanza ugwali għal kull pilastru tat-tabella ta' valutazzjoni meta jipprijoritizza l-proġetti, irrispettivament minn jekk il-pilastru individwali jrendix punteġġ numeriku jew jekk huwiex kompost minn indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi mingħajr punteġġ; jiddispjaċih li l-Pilastru 3, rilevanti għall-aspetti tekniċi tal-proġetti, fit-tabelli ta' valutazzjoni attwali huwa mogħti l-istess mportanza daqs il-Pilastri 1 u 2, li jirrigwardaw r-riżultati mixtieqa l-aktar importanti; jikkritika l-fatt li l-BEI nnifsu jammetti li l-esperti tal-Kumitat tal-Investiment jagħmlu użu biss mir-raba' pilastru għal finijiet ta' informazzjoni, iżda mhux għat-teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob li t-tabelli ta' valutazzjoni, bl-esklużjoni ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva, isiru pubbliċi wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni finali dwar proġett;

13.

Jirrikonoxxi li jista' jieħu xi ftit tas-snin biex jitħejjew proġetti innovattivi ġodda u li l-BEI huwa taħt pressjoni biex jintlaħaq l-għan ta' EUR 315-il biljun u għalhekk ma kellu ebda għażla ħlief li jniedi immedjatament attivitajiet tal-FEIS; huwa mħasseb, madankollu, li l-BEI, fl-implimentazzjoni tal-FEIS, irrikorriet b'mod eċċessiv għall-proġetti eżistenti tiegħu, li fil-parti l-kbira tagħhom kienu proġetti ta' riskju aktar baxx, u għaldaqsant naqqas il-finanzjament konvenzjonali tiegħu stess; jibża' li l-FEIS ma jipprovdix finanzjament komplementari għal proġetti innovattivi ta' riskju għoli; jissottolinja li għalkemm proġett jikkwalifika bħala attività speċjali, dan mhux neċessarjament jimplika li huwa riskjuż; madankollu l-klassifikazzjoni bħala attività speċjali tista' tirriżulta wkoll mill-fatt li l-finanzjament tagħha ġie strutturat b'mod artifiċjalment riskjuż, li jimplika li proġetti ta' riskju baxx ħafna jistgħu faċilment jispiċċaw ukoll bħala proġetti ta' riskju għoli; jenfasizza li l-kriterji tal-proġett m'għandhomx jiddgħajfu għall-fini li tintlaħaq il-mira politika ta' EUR 315 biljun f'investimenti mobilizzati;

14.

Jitlob li l-BEI jipprovdi stima tal-kapaċità tas-self annwali potenzjali tiegħu fuq terminu medju, filwaqt li jqis il-FEIS u l-iżviluppi regolatorji possibbli u biex ikompli bis-self tiegħu b'rati ta' EUR 70-75 biljun fis-sena, bl-użu ta' profitti, ħlasijiet lura mill-programmi eċċ., u juża l-FEIS bħala għodda komplementari; jinnota li dan ikun ifisser li l-volum tan-negozju tal-BEI jilħaq tal-anqas total ta' EUR 90 biljun, mhux ta' EUR 75 biljun;

15.

Iqis li hu importanti li jkun diskuss jekk l-effett ta' lieva previst ta' 15 huwiex xieraq sabiex l-FEIS ikun jista' jappoġġa proġetti ta' kwalità għolja b'riskju ogħla, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni f'dan is-sens; ifakkar li dan l-effett ta' lieva ta' 15 huwa bbażat fuq il-portafoll u jirrifletti l-esperjenza ta' finanzjament tal-BEI bil-għan li jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq; jitlob li ssir valutazzjoni tal-għanijiet pubbliċi li għandhom jinkisbu permezz tal-FEIS bħala komplement għar-rekwiżit tal-volum; jissuġġerixxi li għandhom jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni l-miri tal-Unjoni kif stabbiliti fil-Konferenza ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21); jistieden lill-BEI jiżvela l-effett ta' lieva miksub sa issa, flimkien mal-metodu tal-kalkolu sottostanti;

16.

Jindika li proġetti ta' skala żgħira spiss jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jiksbu l-finanzjament li jeħtieġu; jinnota bi tħassib li proġetti żgħar jiġu skoraġġiti milli japplikaw għall-finanzjament tal-FEIS, jew anke jiġu ddikjarati ineliġibbli għal dak il-finanzjament, abbażi tad-daqs tagħhom; jindika l-impatt sinifikanti li proġett żgħir jista' madankollu jkollu fuq skala nazzjonali jew reġjonali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi intensifikata l-assistenza teknika disponibbli miċ-Ċentru ta' Konsulenza Ewropew għall-Investiment (EIAH), li huwa strumentali fl-għoti ta' pariri u ta' akkumpanjament lill-promoturi ta' proġetti fuq skala żgħira fl-istrutturar u r-raggruppament tal-proġetti permezz ta' pjattaformi ta' investiment jew ftehimiet qafas; jitlob lill-Bord ta' Tmexxija jinvestiga din il-kwistjoni u jressaq proposti biex tiġi kkoreġuta din is-sitwazzjoni;

Diversifikazzjoni settorjali

17.

Jenfasizza li l-FEIS huwa strument immexxi mid-domanda, li jenħtieġ, madankollu, li jkun iggwidat mill-objettivi politiċi stabbiliti fir-Regolament u definiti mill-Bord ta' Tmexxija; jitlob li jkun hemm aktar ilħuq u għoti ta' informazzjoni lil setturi li għandhom domanda mhux sodisfatta għall-investiment imma ma kinux kapaċi jagħmlu użu sħiħ mill-FEIS; jinnota f'dan ir-rigward li, fuq livell makroekonomiku tal-UE, jenħtieġ li jittieħdu aktar miżuri biex jagħtu spinta lid-domanda għall-investiment;

18.

Jilqa' l-fatt li s-setturi kollha definiti fir-Regolament dwar il-FEIS ġew koperti mill-finanzjament tal-FEIS; jindika, madankollu, li ċerti setturi huma sottorappreżentati, b'mod partikolari s-setturi tal-infrastruttura soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni, li għalihom ġie ddedikat biss 4 % tal-finanzjament approvat tal-FEIS; jinnota li dan jista' jkun minħabba diversi raġunijiet, pereżempju li xi setturi setgħu sofrew minn nuqqas ta' esperjenza u għarfien tekniku ta' kif wieħed għandu jaċċessa l-FEIS, jew li huma diġà kienu joffru opportunitajiet ta' investiment aħjar f'termini ta' proġetti bankabbli fi stadju ta' żvilupp avvanzat meta nbeda l-FEIS; jistieden f'dan l-isfond lill-BEI jiddiskuti kif jista' jtejjeb id-diversifikazzjoni settorjali, filwaqt li jorbotha mal-għanijiet stabbiliti fir-regolament kif ukoll il-kwistjoni ta' jekk l-appoġġ għall-FEIS jenħtieġx li jiġi estiż lil setturi oħra;

19.

Ifakkar li l-COP21 dwar il-klima approvat mill-UE teħtieġ bidla radikali lejn l-investiment sostenibbli li l-FEIS għandu jappoġġa bis-sħiħ; jenfasizza li l-investimenti tal-FEIS għandhom ikunu kompatibbli ma' dan l-impenn; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rappurtaġġ dwar it-tibdil fil-klima;

20.

Jinnota l-ħtieġa li jiżdied il-perċentwal tar-riżorsi allokati għal proġetti fit-tul bħan-netwerks tat-telekomunikazzjoni jew għal proġetti li jinvolvu grad relattivament għoli ta' riskju tipikament assoċjat ma' teknoloġiji ġodda emerġenti aktar avvanzati; jinnota li l-investiment fl-infrastruttura tal-broadband u l-5G, iċ-ċibersigurtà, id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija tradizzjonali, il-mikroelettronika u l-informatika ta' prestazzjoni għolja (HPC) jista' jnaqqas aktar id-distakk diġitali;

21.

Jiddispjaċih minħabba n-nuqqas ta' limiti tal-konċentrazzjoni fil-fażi inizjali ta' eskalazzjoni; ifakkar li s-settur tat-trasport għamel l-akbar kontribut lill-fond tal-FEIS, b'EUR 2,2 biljun minn EUR 8 biljun, li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tat-total tal-fond ta' garanzija; jinnota bi tħassib li s-settur tat-trasport irċieva biss madwar 13 % tal-investiment kollu li ġie mobilizzat u magħmul disponibbli s'issa taħt it-tieqa tal-infrastruttura u l-innovazzjoni tal-FEIS, perċentwal li huwa 'l bogħod mil-limitu ta' 30 % stabbilit għal kull wieħed mis-setturi speċifiċi; jistieden lill-Kumitat tal-Investiment jagħti attenzjoni partikolari lill-proġetti tas-settur tat-trasport, peress li dawn għadhom ftit li xejn rappreżentati fil-portafoll tal-investiment, u t-trasport jaqdi rwol sinifikanti fit-tkabbir ekonomiku u fis-sikurezza tal-konsumatur;

Governanza

22.

Josserva li l-istrutturi ta' governanza tal-FEIS ġew implimentati bis-sħiħ fi ħdan il-BEI; iqis li, bil-għan li jittejbu l-effiċjenza u l-obbligu ta' rendikont tal-FEIS, jenħtieġ li jiġu diskussi l-opzjonijiet biex l-istruttura ta' governanza tal-FEIS issir kompletament separata minn dik tal-BEI;

23.

Ifakkar li d-Direttur Maniġerjali huwa responsabbli għall-ġestjoni ta' kuljum tal-FEIS, it-tħejjija u kif jiġu preseduti l-laqgħat tal-Kumitat ta' Investiment u għar-rappreżentanza esterna; ifakkar li d-Direttur Maniġerjali huwa assistit mid-Deputat Direttur Maniġerjali; jiddispjaċih għall-fatt li, fil-prattika, ir-rwoli rispettivi, b'mod speċjali dawk tad-Deputat Direttur Maniġerjali, ma ġewx identifikati b'mod ċar; jistieden lill-BEI jirrifletti dwar id-deskrizzjoni tal-kompiti tad-Direttur Maniġerjali u d-Deputat Direttur Maniġerjali b'mod aktar ċar sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont; iqis li huwa importanti li d-Direttur Maniġerjali, assistit mid-Deputat Direttur Maniġerjali, ikompli jistabbilixxi l-aġenda tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Investiment; jissuġġerixxi, barra minn hekk, li d-Direttur Maniġerjali jenħtieġ li jfassal proċeduri għall-indirizzar ta' kunflitti ta' interess potenzjali fi ħdan il-Kumitat ta' Investiment, jirrapporta lill-Bord ta' Tmexxija, u jipproponi sanzjonijiet għal ksur kif ukoll il-mezzi biex dawn jiġu implimentati; jemmen li l-awtorità tad-Direttur Maniġerjali u d-Deputat Direttur Maniġerjali fit-twettiq ta' dawn il-kompiti tissaħħaħ jekk igawdu awtonomija aktar qawwija fil-konfront tal-BEI; għaldaqstant jistieden lill-BEI jesplora l-opzjonijiet biex tiżdied l-indipendenza tad-Direttur Maniġerjali u d-Deputat Direttur Maniġerjali;

24.

Ifakkar li l-esperti tal-Kumitat ta' Investiment huma responsabbli għall-għażla tal-proġetti tal-FEIS, l-għoti tal-garanzija tal-UE u għall-approvazzjoni ta' operazzjonijiet bi pjattaformi ta' investiment u l-NPBs jew istituzzjonijiet; ikompli jfakkar li dawn huma indipendenti; huwa mħasseb, għaldaqstant, dwar kunflitti ta' interess dokumentati min-naħa tal-membri tal-IC, li għandhom, fiċ-ċirkostanzi kollha, ikunu evitati fil-futur;

25.

Iqis li l-għażla tal-proġetti mhijiex trasparenti biżżejjed; jenfasizza li l-BEI għandu jagħmel titjib f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżvelar ta' informazzjoni dwar il-proġetti li huwa japprova taħt il-FEIS, b'ġustifikazzjoni xierqa ta' addizzjonalità u t-tabella ta' valutazzjoni kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-proġetti fil-kisba tal-objettivi tal-FEIS, b'enfasi partikolari fuq l-impatt mistenni tal-operazzjonijiet tal-FEIS fuq id-distakk fl-investiment fl-Unjoni;

26.

Jistieden lill-BEI jirrifletti dwar il-modi kif tista' tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kumitat ta' Investiment, permezz tad-Direttur Maniġerjali u l-Bord ta' Tmexxija; iqis li huwa importanti li d-Direttur Maniġerjali jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija, li jippermetti lid-Direttur Maniġerjali jinforma lill-Bord ta' Tmexxija dwar l-attivitajiet fil-futur;

27.

Jipproponi d-diskussjoni ta' mezzi ta' titjib tat-trasparenza tal-istrutturi ta' governanza tal-FEIS għall-Parlament u ż-żieda ta' membru sħiħ ieħor fil-Bord ta' Tmexxija maħtur mill-Parlament; iħeġġeġ lill-korpi governattivi tal-FEIS jikkondividu informazzjoni mal-Parlament fuq bażi proattiva;

Banek Promozzjonali Nazzjonali

28.

Ifakkar li, b'riżultat tal-kompetenzi tagħhom, il-Banek Promozzjonali Nazzjonali huma essenzjali għas-suċċess tal-FEIS, billi huma qrib tas-swieq lokali, kif ukoll familjari magħhom; jikkonstata li sa issa s-sinerġiji għadhom ma ġewx sfruttati sal-punt meħtieġ; josserva r-riskju li l-istituzzjonijiet lokali jiġu eliminati mill-BEI u jistieden lill-BEI itejjeb il-ħila tiegħu li jiġbor sħab nazzjonali u subnazzjonali; jitlob lill-BEI jappoġġja t-tisħiħ ta' strutturi bankarji pubbliċi eżistenti, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat b'mod attiv l-iskambju ta' prattiki tajba u l-għarfien tas-suq fost dawn l-istituzzjonijiet; iqis, għal dak l-għan, li l-NPBs għandhom jimmiraw biex jidħlu fi ftehimiet ta' kollaborazzjoni mal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI); jirrikonoxxi li l-FEIS u l-BEI huma dejjem aktar lesti jieħdu segmenti minuri/subordinati mal-Banek Promozzjonali Nazzjonali u jħeġġiġhom ikomplu jagħmlu dan; jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI jiddiskutu jekk ikunx utli li l-kompetenzi tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali jiġu inkorporati fil-Bord ta' Tmexxija;

Pjattaformi ta' investiment

29.

Ifakkar li strumenti diversifikati b'fokus ġeografiku jew tematiku jenħtieġ li jsiru possibbli permezz ta' għajnuna għal proġetti ta' finanzjament u raggruppati u fondi minn sorsi differenti; jinnota bi tħassib li l-ewwel pjattaforma ta' investiment ġiet stabbilita biss fit-tielet kwart tal-2016 u li d-dewmien biex isir dan qed ifixkel l-opportunità li proġetti fuq skala żgħira jibbenefikaw mill-FEIS kif ukoll l-iżvilupp ta' proġetti transfruntiera; jenfasizza l-bżonn li jiġu ssimplifikati r-regoli għall-istabbiliment ta' pjattaformi ta' investiment; jitlob li l-BEI u ċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (EIAH) jippromwovu l-użu ta' pjattaformi ta' investiment bħala mezz biex tintlaħaq d-diversifikazzjoni tal-investimenti ġeografiċi u tematiċi;

30.

Iħeġġeġ lill-korpi governattivi tal-FEIS jagħtu aktar attenzjoni lill-pjattaformi ta' investiment bil-għan li jiġu massimizzati l-benefiċċji li dawn tal-aħħar jistgħu jiksbu biex jiġu megħluba l-ostakoli għall-investimenti, b'mod speċjali fi Stati Membri bi swieq finanzjarji anqas żviluppati; jistieden lill-BEI jipprovdi lill-partijiet ikkonċernati, inklużi korpi nazzjonali, lokali u reġjonali, aktar informazzjoni dwar il-pjattaformi u l-kundizzjonijiet u l-kriterji li jirregolaw l-istabbiliment tagħhom; jirrikonoxxi r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-identifikazzjoni ta' proġetti strateġiċi u billi jħeġġu l-parteċipazzjoni;

31.

Jipproponi diskussjoni dwar mezzi addizzjonali tal-promozzjoni ta' pjattaformi ta' investiment, bħall-prijoritizzazzjoni tal-approvazzjoni ta' proġetti ppreżentati permezz ta' pjattaforma, l-ippuljar ta' proġetti iżgħar u kuntratti ta' gruppi u l-istabbiliment ta' mekkaniżmi għall-finanzjament ta' raggruppamenti ta' kuntratti; jemmen li jenħtieġ li jiġu promossi b'mod partikolari l-pjattaformi transnazzjonali, minħabba li ħafna proġetti tal-enerġija u diġitali għandhom dimensjoni transnazzjonali;

Strumenti finanzjarji

32.

Ifakkar li l-BEI żviluppa strumenti finanzjarji ġodda għall-finijiet tal-FEIS sabiex jipprovdi prodotti mfassla apposta għal finanzjament ta' riskju għoli; iħeġġeġ lill-BEI iżid aktar il-valur miżjud tiegħu billi jiffoka fuq prodotti finanzjarji aktar riskjużi bħal finanzjament subordinat u strumenti tas-suq kapitali; jesprimi tħassib dwar il-kritika tal-promoturi tal-proġetti li l-istrumenti finanzjarji provduti mhumiex kompatibbli mal-ħtiġijiet tal-prodotti tagħhom (ta' spiss proġetti ta' riskju għoli jeħtieġu flus bil-quddiem biex jagħtu imbuttatura lill-investimenti, u mhux f'ammonti iżgħar fuq bażi annwali) u dwar investituri li jenfasizzaw li attwalment mhumiex f'pożizzjoni li jipparteċipaw fil-finanzjament tal-FEIS minħabba nuqqas ta' strumenti ta' ekwità privati xierqa; jistieden lill-BEI jeżamina dan f'kooperazzjoni mal-promoturi tal-proġetti u l-investituri; barra minn hekk jistieden lill-BEI jesplora kif l-iżvilupp ta' bonds ħodor jista' jimmassimizza l-potenzjal tal-FEIS fil-finanzjament ta' proġetti li għandhom benefiċċji pożittivi għall-ambjent u/jew il-klima;

Diversifikazzjoni ġeografika

33.

Jilqa' l-fatt li sal-aħħar tal-2016, kull wieħed mit-28 pajjiż kien irċieva finanzjament tal-FEIS; jinnota bi tħassib, madankollu, li mit-30 ta' Ġunju 2016, l-UE-15 kienu rċevew 91 % filwaqt li l-UE-13 kienu rċevew biss 9 % tal-appoġġ tal-FEIS; jiddispjaċih li l-appoġġ tal-FEIS kien ta' benefiċċju prinċipalment għal numru limitat ta' pajjiżi fejn il-marġnijiet ta' investiment diġà huma taħt il-medja tal-UE; jinnota li fil-pajjiżi benefiċjarji, spiss ikun hemm distribuzzjoni ġeografika inugwali ta' proġetti ffinanzjati mill-FEIS; iqis li hemm riskju ta' konċentrazzjoni territorjali u jenfasizza l-bżonn li tingħata attenzjoni akbar lil reġjuni inqas żviluppati madwar it-28 Stat Membru kollha kemm huma; jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jipprovdi aktar assistenza teknika lil dawn il-pajjiżi u reġjuni li bbenefikaw anqas mill-FEIS;

34.

Jirrikonoxxi li l-PDG u n-numru ta' proġetti approvati huma marbuta ma' xulxin; jirrikonoxxi li Stati Membri akbar jistgħu jieħdu vantaġġ minn swieq kapitali aktar żviluppati u għalhekk huma aktar probabbli li jibbenefikaw minn strument immexxi mis-suq bħall-FEIS; jissottolinja li appoġġ tal-FEIS aktar baxx fl-UE-13 jista' jkun attribwibbli għal fatturi oħra, bħad-daqs żgħir tal-proġetti, il-pożizzjoni ġeografika periferali ta' reġjun partikolari u kompetizzjoni mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE); madankollu, josserva bi tħassib il-benefiċċju sproporzjonat għal ċerti pajjiżi u jissottolinja l-ħtieġa li tkompli tiġi diversifikata d-distribuzzjoni ġeografika, b'mod speċjali f'setturi kruċjali bħall-modernizzar u t-titjib tal-produttività u s-sostenibbiltà tal-ekonomiji, b'attenzjoni ewlenija fuq l-iżvilupp teknoloġiku; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tinvestiga u tieħu nota tar-raġunijiet għad-distribuzzjoni ġeografika attwali;

Iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (EIAH)

35.

Jagħti l-akbar importanza għat-tħaddim tal-EIAH; iqis li l-missjoni tiegħu li jaġixxi bħala punt tad-dħul uniku għal assistenza konsultattiva u teknika komprensiva matul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-proġett twieġeb fil-parti l-kbira tagħha għall-ħtieġa dejjem akbar għall-appoġġ tal-assistenza teknika fost l-awtoritajiet u promoturi tal-proġetti;

36.

Jinsab kuntent li l-EIAH ilu jiffunzjona minn Settembru 2015, u għaddej minn fażi ta' implimentazzjoni mgħaġġla; jirrikonoxxi li, minħabba l-perjodu limitat tal-eżistenza tiegħu u n-nuqqas ta' persunal fl-istadju inizjali, mhux is-servizzi tal-EIAH kollha ġew żviluppati b'mod sħiħ u li l-attività ffukat b'mod predominanti fuq il-provvista ta' appoġġ għall-iżvilupp u l-istrutturar tal-proġetti, il-konsulenza politika, u l-iskrinjar tal-proġetti; jenfasizza l-ħtieġa li l-EIAH jirrekluta esperti minn oqsma differenti fi sforz biex jiġu mmirati aħjar il-pariri, il-komunikazzjoni u l-appoġġ tiegħu, lejn setturi li ma jużawx il-massimu tal-FEIS;

37.

Jinsab konvint li l-EIAH għandu l-potenzjal li jkollu rwol strumentali fl-indirizzar ta' ħafna min-nuqqasijiet tal-implimentazzjoni tal-FEIS; jemmen b'mod qawwi li, sabiex isir dan, jeħtieġ li tiġi adottata pożizzjoni aktar proattiva fil-provvista ta' assistenza f'oqsma bħall-istabbiliment ta' pjattaformi ta' investiment, anke fid-dawl tal-importanza ta' dawn tal-aħħar fil-finanzjament ta' proġetti iżgħar; jenfasizza wkoll ir-rwol tal-EIAH fil-provvista ta' pariri billi jikkombina sorsi oħra ta' finanzjament tal-Unjoni mal-FEIS;

38.

Iqis, b'mod simili, li l-EIAH jista' jikkontribwixxi b'mod attiv lejn id-diversifikazzjoni ġeografika u settorjali, mhux biss billi jkopri r-reġjuni kollha u aktar setturi fil-provvista tas-servizzi tiegħu, iżda anke billi jassisti lill-BEI fit-tnedija tal-operazzjonijiet; jemmen li l-EIAH jista' jkollu rwol importanti fil-kontribuzzjoni għall-objettiv ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

39.

Ifakkar li r-Regolament dwar l-FEIS jagħti mandat lill-EIAH għall-effett ta' lieva ta' għarfien lokali bil-għan li jiġi faċilitat l-appoġġ tal-FEIS madwar l-Unjoni; jemmen li hemm bżonn ta' titjib sinifikanti f'dan il-qasam, b'mod partikolari aktar kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet nazzjonali xierqa; jagħti importanza kbira lill-provvista ta' servizzi fil-livell lokali, anke sabiex jitqiesu sitwazzjonijiet speċifiċi u ħtiġijiet lokali, b'mod speċjali f'pajjiżi li m'għandhomx Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali (NPIs) jew Banek Promozzjonali Nazzjonali b'esperjenza; iqis li r-rabtiet ma' fornituri lokali oħra għandhom jissaħħu biex dan jiġi kkunsidrat;

40.

Jistenna li l-EIAH jikkonkludi l-proċessi ta' reklutaġġ tiegħu u jilħaq il-livelli kompluti ta' persunal tiegħu mingħajr dewmien; jesprimi dubji, madankollu, li l-kapaċità tal-persunal ipprovduta tkun suffiċjenti biex l-EIAH jipprovdi s-servizzi ta' konsulenza meħtieġa u biex ikun jista' jlaħħaq mal-volum tax-xogħol, kif ukoll mandat usa';

41.

Jenfasizza li l-EIAH jeħtieġ li jsaħħaħ il-profil tas-servizzi tiegħu, itejjeb il-komunikazzjoni u jżid is-sensibilizzazzjoni u l-fehim dwar l-attivitajiet tiegħu fost il-partijiet ikkonċernati tal-EIAH; iqis li jenħtieġ li jintużaw il-mezzi kollha ta' komunikazzjoni rilevanti biex jinkiseb dan l-għan, inkluż fil-livell nazzjonali u lokali;

Il-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment (EIPP)

42.

Jiddispjaċih li l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment (EIPP) tnieda biss mill-Kummissjoni fl-1 ta' Ġunju 2016, kważi sena wara l-adozzjoni tar-Regolament dwar l-FEIS; jinnota li issa l-portal qiegħed jopera, b'139 proġett attwalment murija, iżda jqis li dan għadu 'l bogħod ħafna mill-potenzjal mistenni meta ġie adottat l-ewwel regolament dwar l-FEIS;

43.

Iqis li l-EIPP jipprovdi pjattaforma faċli għall-utent sabiex il-promoturi tal-proġetti jagħtu spinta lill-viżibbiltà tal-proġetti ta' investiment tagħhom b'mod trasparenti; jemmen, madankollu, li l-element fundamentali għas-suċċess tal-portal huwa li tiżdied il-viżibbiltà tiegħu stess b'mod sinifikanti, sabiex jikseb rikonoxximent komuni bħala għodda utli, affidabbli u effiċjenti kemm fost l-investituri kif ukoll il-promoturi tal-proġetti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem b'mod attiv f'din id-direzzjoni permezz ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni sodi;

44.

Jinnota li l-kostijiet relatati mal-istabbiliment u l-iżvilupp, il-ġestjoni, l-appoġġ u l-manutenzjoni, u l-ospitar tal-EIPP huma attwalment koperti mill-baġit tal-UE, fi ħdan l-allokazzjoni annwali ta' EUR 20 miljun prevvista għall-EIAH; ifakkar, madankollu, li t-tariffi imposti fuq promoturi tal-proġetti privati li jirreġistraw il-proġett tagħhom fuq il-portal għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern għall-EIPP u fil-futur se jkunu s-sors prinċipali ta' finanzjament tiegħu;

Garanzija

45.

Ifakkar li l-Unjoni tipprovdi garanzija irrevokabbli u mingħajr kundizzjoni għall-BEI għall-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment taħt l-FEIS; jinsab konvint li l-Garanzija tal-UE ppermettiet lill-BEI jieħu riskju ogħla għat-Tieqa ta' Infrastruttura u Investiment (IIW) u ppermettiet li jittejjeb u jiġi kkonċentrat fil-fażi inizjali tiegħu l-finanzjament ta' SMEs, kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja taħt COSME u InnovFin appoġġjat mit-Tieqa għall-SMEs (SMEW); jemmen li l-limitu minimu ta' EUR 25 miljun, li jidher li jintuża mill-BEI għall-operazzjonijiet ta' self normali tiegħu, ma għandux ikun applikabbli għall-FEIS, bil-għan li jiżdied il-finanzjament ta' proġetti iżgħar u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-SMEs u benefiċjarji potenzjali oħra;

46.

Jenfasizza li, minħabba teħid qawwi ħafna li jirrifletti d-domanda għolja tas-suq, it-Tieqa għall-SMEs kompliet tissaħħaħ permezz ta' EUR 50 miljun mill-Portafoll tad-Dejn tal-IIW taħt il-qafas leġiżlattiv eżistenti; jilqa' l-fatt li, minħabba l-flessibbiltà tar-Regolament dwar l-FEIS, ingħata finanzjament addizzjonali għall-benefiċċju tal-SMEs u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja; beħsiebu jimmonitorja mill-qrib l-allokazzjoni tal-garanzija taħt iż-żewġ twieqi; jinnota wkoll li, mit-30 ta' Ġunju 2016, l-operazzjonijiet iffirmati skont l-IIW laħqu biss 9 % tal-volum totali fil-mira;

47.

Ifakkar li l-Fond ta' Garanzija tal-UE huwa ffinanzjat b'mod predominanti mill-baġit tal-UE; iqis l-evalwazzjonijiet rilevanti kollha li jissuġġerixxu li r-rata ta' proviżjonament attwali tal-Fond ta' Garanzija ta' 50 % tidher li hi kawta u prudenti f'termini tal-kopertura ta' telf potenzjali u li l-baġit tal-Unjoni jkun diġà protett b'rata ta' mira aġġustata ta' 35 %; għandu l-intenzjoni jeżamina jekk proposti għal rata ta' mira aktar baxxa jkollhomx riperkussjonijiet fuq il-kwalità u n-natura tal-proġettti magħżula; jenfasizza li, sa issa, ma kien hemm l-ebda talba b'riżultat ta' inadempjenzi tal-operazzjonijiet tal-BEI jew l-FEI;

Finanzjament futur, kapaċità tal-fond

48.

Jinnota li l-Kummissjoni pproponiet estensjoni tal-FEIS, f'termini kemm ta' dewmien kif ukoll ta' kapaċità finanzjarja, u li din ikollha impatt fuq il-baġit tal-UE; jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jressaq proposti finanzjarji alternattivi;

49.

Ifakkar li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkontribwixxu għall-FEIS sabiex titwessa' l-kapaċità tiegħu, biex b'hekk ikun jista' jappoġġja aktar investimenti ta' riskju ogħla; jiddispjaċih li minkejja li dan l-investiment jitqies bħala miżura ta' darba fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (8) u l-Artkolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (9), l-Istati Membri ma ħadux din l-inizjattiva; jitlob informazzjoni mill-BEI u l-Kummissjoni dwar jekk sadanittant sarux sforzi biex jikkonvinċu lill-Istati Membri li għandhom jikkontribwixxu għall-FEIS, u jekk ikunux jistgħu jattiraw investituri oħra; jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI jżidu l-isforzi tagħhom f'din id-direzzjoni;

Komplementarjetajiet ma' sorsi ta' finanzjament oħra tal-UE

50.

Jinnota li s-sensibilizzazzjoni tat-trikkib u l-kompetizzjoni bejn l-FEIS u strumenti finanzjarji tal-baġit tal-UE min-naħa tal-Kummissjoni u l-BEI wasslet għall-adozzjoni ta' linji gwida li jirrakkomandaw il-kombinazzjoni tal-finanzjament tal-FEIS u tal-Fond SIE; jenfasizza li kwalunkwe taħlita ta' finanzjament permezz ta' Fondi FEIS u SIE m'għandha bl-ebda mod tkun ta' detriment għal-livell u l-orjentazzjoni ta' għoti tal-finanzjament permezz tal-Fond ESI; jindika, madankollu, id-differenzi persistenti fil-kriterji ta' eliġibbiltà, ir-regolamenti, il-perjodu ta' żmien għar-rapportar u l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li jfixlu l-użu kombinat; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni bdiet tindirizza dawn il-kwistjonijiet fil-proposta tagħha għal reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju u jittama li din ir-reviżjoni titwettaq f'waqtha sabiex tiġi ssimplifikata l-kombinazzjoni tal-finanzjament u jiġu evitati l-kompetizzjoni u t-trikkib; jemmen li jinħtieġu aktar sforzi u li t-tieni u t-tielet pilastri tal-pjan ta' investiment huma kruċjali għal dan il-għan;

51.

Jissuġġerixxi li jenħtieġ li l-Kummissjoni, fir-rapporti regolari tagħha, telenka l-proġetti li jibbenefikaw mit-taħlit tal-għotjiet tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa mal-FEIS;

52.

Jinnota li l-proġetti ta' infrastruttura tat-trasport ta' sħubija pubblika-privata (PPP) normalment għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta' min juża jħallas sabiex jitnaqqas il-piż impost fuq il-baġits pubbliċi u fuq il-kontribwenti tat-taxxa għall-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura; jinnota li huwa importanti li jiġu kkoordinati tipi varji ta' finanzjament tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-objettivi tal-politika tal-UE dwar it-trasport jintlaħqu madwar l-UE kollha, u li m'għandhomx jiġu promossi fondi tat-tip PPP b'detriment tal-Fondi Strutturali;

Tassazzjoni

53.

Jinsab ferm imħasseb għall-fatt li, f'xi każijiet, il-BEI kien qed jagħmel pressjoni permezz tal-FEIS biex jiġu appoġġjati proġetti li ġew strutturati permezz ta' ditti f'rifuġji fiskali; iħeġġeġ lill-BEI u l-FEI biex iżommu lura milli jagħmlu użu minn jew jinvolvu ruħhom fl-istrutturi tal-evitar tat-taxxa, b'mod partikolari skemi tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa, jew prattiki li ma jikkonformawx ma' prinċipji ta' governanza tajba tal-UE dwar it-tassazzjoni, kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni; jinsisti li l-ebda proġett jew promotur ma jista' jkun dipendenti fuq persuna jew kumpanija f'pajjiż inkluż fil-lista komuni tal-UE prospettiva ta' ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx;

Komunikazzjoni u viżibilità

54.

Josserva li ħafna promoturi tal-proġetti mhumiex konxji mill-eżistenza tal-FEIS, jew għandhom stampa mhux ċara biżżejjed ta' x'jista' joffri l-FEIS, il-kriterji ta' eliġibbiltà speċifiċi u l-passi konkreti li għandhom jieħdu meta japplikaw għall-finanzjament; jissottolinja li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi, inkluż appoġġ tekniku mmirat fl-Istati Membri li bbenefikaw anqas mill-FEIS, fil-lingwa tal-UE rispettiva tagħhom, għas-sensibilizzazzjoni ta' x'inhu l-FEIS, liema prodotti u servizzi speċifiċi jista' joffri u tar-rwoli tal-pjattaformi ta' investiment u l-Banek Promozzjonali Nazzjonali;

55.

Jitlob li l-materjal ta' informazzjoni kollu u l-materjal li jifforma parti mill-proċedura ta' finanzjament jiġi tradott fil-lingwi kollha tal-Istati Membri, sabiex jiġu ffaċilitati l-informazzjoni u l-aċċess fil-livell lokali;

56.

Jesprimi tħassib li l-appoġġ dirett mogħti lill-intermedjarji finanzjarji, li min-naħa tagħhom huma responsabbli għall-allokazzjoni tal-finanzjament, jista' jwassal għal sitwazzjonijiet fejn il-benefiċjarju finali mhuwiex konxju li qed jibbenefika mill-finanzjament tal-FEIS u jitlob soluzzjonijiet biex tittejjeb il-viżibbiltà tal-FEIS; jistieden, għalhekk, lill-BEI jinkludi fil-kuntratti tal-FEIS, klawżola speċifika li tagħmilha ċara lill-promotur tal-proġetti li l-finanzjament li jirċievi sar possibbli mill-baġit tal-FEIS/UE;

Estensjoni

57.

Jirrikonoxxi li l-FEIS waħdu – u fuq skala limitata – probabbliment ma jkunx jista' jagħlaq id-distakk fl-investiment fl-Ewropa, iżda li madankollu jikkostitwixxi pilastru ċentrali tal-pjan ta' investiment tal-UE u jindika id-determinazzjoni tal-UE li tindirizza din il-kwistjoni; jitlob li jsiru aktar proposti dwar kif tingħata spinta b'mod permanenti lill-investiment fl-Ewropa;

o

o o

58.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.

(2)  http://www.eib.org/attachments/strategies/efsi_2015_report_ep_council_en.pdf

(3)  http://www.eib.org/attachments/ev/ev_evaluation_efsi_en.pdf, Settembru 2016

(4)  Rapport tal-14 ta' Novembru 2016, https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/ey-report-on-efsi_en.pdf

(5)  ĠU C 465, 13.12.2016, p. 1.

(6)  ĠU C 268, 14.8.2015, p. 27.

(7)  ĠU C 195, 12.6.2015, p. 41

(8)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(9)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/125


P8_TA(2017)0271

Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva (2017/2003(INI))

(2018/C 331/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija għas-Suq Uniku (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2016 fuq opportunitajiet ġodda għal negozji żgħar ta' trasport, inkluż mudelli ta' negozju kollaborattivi (3),

wara li kkunsidra l-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli tal-Kunsill dwar il-laqgħa dwar il-Kompetittività u t-Tkabbir tat-12 ta' Settembru 2016 u tad-dokument ta' diskussjoni tal-Presidenza (4),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 dwar Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva (COM(2016)0356),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 dwar il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa (COM(2016)0288),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 intitolata “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji” (COM(2015)0550),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 dwar Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa 2015 (COM(2015)0192),

wara li kkunsidra l-Kunsill Kompetittività tad-29 ta' Settembru 2016 u l-eżitu tiegħu,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (5) (“Direttiva dwar is-Servizzi”),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (7) ,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (8),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 dwar gwida fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali (SWD(2016)0163),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (9),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta' Diċembru 2016 bit-titolu “L-ekonomija kollaborattiva u l-pjattaformi onlajn: viżjoni komuni tal-bliet u r-reġjuni” (10),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-ekonomija kollaborattiva (11),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0195/2017),

A.

billi l-ekonomija kollaborattiva esperjenzat tkabbir rapidu fis-snin reċenti, f'termini ta' utenti, tranżazzjonijiet u dħul, bi tfassil mill-ġdid ta' kif il-prodotti u s-servizzi jiġu pprovduti u bi sfida għall-mudelli ta' negozju stabbiliti sew f'bosta oqsma;

B.

billi l-ekonomija kollaborattiva għandha benefiċji soċjali għaċ-ċittadini tal-UE;

C.

billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jikkostitwixxu l-mutur ewlieni tal-ekonomija Ewropea u, skont iċ-ċifri tal-2014, jirrappreżentaw 99,8 % tal-impriżi kollha li mhumiex parti mis-settur finanzjarju u li jfisser tnejn minn kull tliet impjiegi;

D.

billi 1,7 % biss tal-impriżi tal-UE jagħmlu użu sħiħ mit-teknoloġiji diġitali avvanzati, filwaqt li 41 % ma jużawhom xejn; billi d-diġitalizzazzjoni tas-setturi kollha hija kruċjali sabiex il-kompetittività tal-UE tinżamm u tissaħħaħ;

E.

billi studju reċenti tal-Kummissjoni juri li 17 % tal-konsumaturi Ewropej użaw servizzi pprovduti mill-ekonomija kollaborattiva, u 52 % huma konxji tas-servizzi offruti (12);

F.

billi ma hemm l-ebda statistika uffiċjali dwar il-volum ta' impjiegi fl-ekonomija kollaborattiva;

G.

billi l-ekonomija kollaborattiva toffri possibilitajiet għaż-żgħażagħ, il-migranti, il-ħaddiema part-time u l-anzjani li jaċċessaw is-suq tax-xogħol;

H.

billi mudelli tal-ekonomija kollaborattiva jistgħu jgħinu biex jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fl-ekonomija, billi jipprovdu opportunitajiet għal forom flessibbli ta' intraprenditorija u impjieg;

I.

billi, filwaqt li l-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva tippreżenta punt ta' tluq tajjeb għall-promozzjoni u r-regolamentazzjoni ta' dan is-settur b'mod effettiv, hemm ħtieġa li tiġi inkorporata l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jiġu riflessi d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti kontra d-diskriminazzjoni fil-kuntest ta' analiżi u rakkomandazzjonijiet ulterjuri f'dan il-qasam;

J.

billi l-promozzjoni tal-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, kif definit fl-Artikolu 3 tat-Trattar dwar l-Ujoni Ewropea u l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewerpea, hija wkoll objettiv tas-suq intern tal-UE;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.

Jilqa' l-komunikazzjoni dwar aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva, u jenfasizza li din għandha tirrappreżenta l-ewwel pass lejn strateġija tal-UE bbilanċjata sew, aktar komprensiva u ambizzjuża dwar l-ekonomija kollaborattiva;

2.

Jemmen li, jekk tiġi żviluppata b'mod responsabbli, l-ekonomija kollaborattiva se toħloq opportunitajiet sinifikanti għaċ-ċittadini u l-konsumaturi, li jibbenefikaw minn kompetizzjoni msaħħa, servizzi speċjalizzati, għażla akbar u prezzijiet aktar baxxi; jissottolinja li t-tkabbir f'dan is-settur hu mmexxi mill-konsumatur u jippermetti li l-konsumaturi jkollhom rwol aktar attiv;

3.

Jenfasizza l-ħtieġa li n-negozji jitħallew jikbru bit-tneħħija tal-ostakli, tad-dupplikazzjoni u tal-frammentazzjoni li jfixklu l-iżvilupp transfruntier;

4.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu ċarezza legali u ma jqisux l-ekonomija kollaborattiva bħala theddida għall-ekonomija tradizzjonali; jenfasizza l-importanza li tkun regolata l-ekonomija kollaborattiva b'mod li tiffaċilita u tippermetti aktar milli tirrestrinġi;

5.

Jaqbel li l-ekonomija kollaborattiva tiġġenera opportunitajiet intraprenditorjali ġodda u interessanti, impjiegi u tkabbir, u sikwit jista' jkollha rwol importanti biex is-sistema ekonomika tagħmilha mhux biss aktar effiċjenti, iżda wkoll soċjalment u ambjentalment sostenibbli, b'hekk ikun hemm allokazzjoni aħjar tar-riżorsi u tal-assi li mod ieħor kieku ma jintużawx biżżejjed u għalhekk tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

6.

Jagħraf, fl-istess ħin, li l-ekonomija kollaborattiva jista' jkollha impatt sinifikanti fuq il-mudelli ta' negozju li ilhom stabbiliti f'ħafna setturi strateġiċi bħat-trasport, l-akkomodazzjoni, l-industrija tar-ristoranti, is-servizzi, il-bejgħ bl-imnut u l-finanzi; jifhem l-isfidi marbuta ma' standards legali differenti għal atturi ekonomiċi simili; jemmen li l-ekonomija kollaborattiva tagħti s-setgħa lill-konsumaturi, toffri opportunitajiet ta' impjiegi ġodda u għandha l-potenzjal li tiffaċilita l-konformità fiskali, imma madankollu, jenfasizza, l-importanza li jkun żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, li d-drittjiet tal-ħaddiema jkunu kompletament rispettati u li tkun żgurata konformità tat-taxxa; jirrikonoxxi li l-ekonomija kollaborattiva taffettwa kemm l-ambjent urban kif ukoll dak rurali;

7.

Jirrimarka li n-nuqqas ta' ċarezza fost l-imprendituri, il-konsumaturi u l-awtoritajiet dwar kif jiġu applikati r-regolamenti f'xi oqsma u b'hekk il-ħtieġa li jkunu indirizzati oqsma regolatorji ambigwi, u jinsab imħasseb dwar ir-riskju ta' frammentazzjoni tas-suq uniku; jinsab konxju li, jekk ma jkunux regolati kif xieraq, dawn il-bidliet jistgħu jirriżultaw f'inċertezza legali dwar ir-regoli u r-restrizzjonijiet applikabbli fl-eżerċitar tad-drittijiet individwali u l-protezzjoni tal-konsumaturi; jemmen li r-regolament jeħtieġ li jkun idoneu għall-għan li maħsub għalih fl-era diġitali u jinsab ferm imħasseb dwar l-impatt negattiv tal-inċertezza legali u tal-kumplessità tar-regoli dwar negozji ġodda Ewropej u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ involuti fl-ekonomija kollaborattiva;

8.

Iqis li l-iżvilupp ta' ambjent legali dinamiku, ċar u, fejn xieraq, armonizzat u l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ugwali hi prekundizzjoni essenzjali biex l-ekonomija kollaborattiva tiffjorixxi fl-UE;

L-ekonomija kollaborattiva fl-UE

9.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-ekonomija kollaborattiva titqies mhux biss bħala ġabra ta' mudelli godda ta' negozju li toffri prodotti u servizzi iżda wkoll bħala forma ġdida ta' integrazzjoni bejn l-ekonomija u s-soċjetà fejn is-servizzi offruti jkunu bbażati fuq varjetà wiesgħa ta' relazzjonijiet li jintegraw ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma' dawk soċjali u joħolqu forom ġodda ta' komunità u mudelli ġodda ta' negozju;

10.

Jinnota l-fatt li l-ekonomija kollaborattiva fl-Ewropa għandha xi karatteristiċi speċifiċi, li jirriflettu wkoll l-istruttura tan-negozju Ewropew, magħmula prinċipalment minn SMEs u mikro-intrapriżi; jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat ambjent tan-negozju fejn pjattformi kollaborattivi jkunu jistgħu jikbru u jkunu ferm kompetittivi fis-suq globali;

11.

Jinnota li l-imprendituri Ewropej juru tendenza qawwija li joħolqu pjattaformi kollaborattivi għal skopijiet soċjali, u jagħraf li qed jikber dejjem aktar l-interess fl-ekonomija kollaborattiva abbażi ta' mudelli ta' negozju kooperattiv;

12.

Jenfasizza l-importanza li tiġi evitata kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni, sabiex jingħata aċċess effettiv u ugwali għal servizzi kollaborattivi;

13.

Iqis li dawk is-servizzi offruti fi ħdan l-ekonomija kollaborattiva li huma rreklamati pubblikament u offruti għal profitt jaqgħu taħt il-mandat tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (13) u għandhom, għaldaqstant, ikunu konsistenti mal-prinċipju ta' trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel;

Qafas regolatorju tal-UE: pari, konsumaturi, pjattaformi kollaborattivi

14.

Jirrikonoxxi li filwaqt li ċertu partijiet tal-ekonomija kollaborattiva huma koperti mir-regolament, inkluż fil-livell lokali u nazzjonali, partijiet oħra jistgħu jaqgħu f'oqsma regolatorji ambigwi għaliex mhux dejjem hu ċar liema regolament tal-UE japplika, b'hekk dan jikkawża differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri minħabba regolamenti nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll il-każistika, b'hekk jiġi frammentat is-Suq Uniku;

15.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-frammentazzjoni attwali, iżda jiddispjaċih li l-komunikazzjoni tagħha ma ġabitx biżżejjed ċarezza dwar l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE għal mudelli differenti ta' ekonomija kollaborattiva; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jsaħħu l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti, u jistieden lill-Kummissjoni tfassal qafas ta' infurzar li jappoġġja l-Istati Membri fl-isforzi tagħhom, l-aktar importanti fir-rigward tad-Direttiva dwar is-Servizzi u l-acquis tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-għodda kollha disponibbli f'dan il-kuntest, inkluż bl-użu tal-proċeduri ta' ksur kull meta tiġi identifikata implimentazzjoni ħażina jew insuffiċjenti tal-leġiżlazzjoni;

16.

Jenfasizza li rekwiżiti ta' aċċess għas-suq għal pjattaformi kollaborattivi u l-fornituri ta' servizzi jenħtieġ li jkunu meħtieġa, ġustifikati u proporzjonati kif previst fit-Trattati u l-leġiżlazzjoni sekondarja, kif ukoll sempliċi u ċari; jissottolinja li din il-valutazzjoni għandha tqis jekk is-servizzi humiex provduti minn professjonisti jew individwi privati, filwaqt li tqiegħed il-fornituri pari suġġetti għal rekwiżit legali eħfef, tiżgura standards ta' kwalità u livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur kif ukoll tqis differenzi settorjali;

17.

Jirrkonoxxi l-ħtieġa għal operaturi stabbiliti, għal operaturi u servizzi ġodda marbuta mal-pjattaformi diġitali u l-ekonomija kollaborattiva biex jiżviluppaw f'ambjent li jiffavorixxi n-negozju, b'kompetizzjoni sana u jkunu trasparenti fir-rigward ta' tibdiliet leġiżlattivi; jaqbel li meta ssir valutazzjoni dwar rekwiżiti tal-aċċess għas-suq fil-kuntest tad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tan-negozji tal-ekonomija kollaborattiva;

18.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tipprovdi aktar linji gwida dwar l-istabbiliment ta' kriterji effettivi sabiex issir distinzjoni bejn il-pari u l-professjonisti, li hija kruċjali għall-iżvilupp ġust tal-ekonomija kollaborattiva; jirrimakra li dawn il-linji gwida għandhom jipprovdu ċarezza u ċertezza legali u għandhom iqisu, inter alia, il-leġiżlazzjoni differenti fl-Istati Membri u r-realtajiet ekonomiċi differenti, bħal-livell tad-dħul, il-karatteristiċi tas-setturi, is-sitwazzjoni tan-negozji mikro u żgħar u l-għan tal-attività bi skop ta' qligħ; hu tal-opinjoni li ġabra ta' prinċipji u kriterji ġenerali fil-livell tal-UE u ġabra ta' limiti fil-livell nazzjonali jistgħu jipprovdu t-triq 'il quddiem, u jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju f'dan ir-rigward;

19.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li filwaqt li l-istabbiliment ta' limiti jista' jipprovdi linji diviżorji xierqa bejn il-pari u n-negozji, fl-istess ħin jista' joħloq disparità bejn in-negozji mikro u żgħar fuq naħa u l-pari fuq l-oħra; jemmen li kundizzjonijiet ugwali fost kategoriji kumparabbli ta' fornituri ta' servizz hi ferm rakkomandata; jitlob it-tneħħija ta' piż regolatorju mhux meħtieġ u ta' rekwiżiti ta' aċċess għas-suq inġustifikati għall-operaturi kollha tan-negozju, partikolarment għal negozji mikro u żgħar, għaliex dan ixxekkel ukoll l-innovazzjoni;

20.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiżgura l-adegwatezza tal-liġi tal-konsumaturi u timpedixxi l-abbuż tal-ekonomija kollaborattiva meta tiġi evitata l-leġiżlazzjoni; jemmen li l-konsumaturi għandhom igawdu livell għoli u effettiv ta' protezzjoni, indipendentement minn jekk is-servizzi humiex provduti minn professjonisti jew pari u jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza tal-protezzjoni tal-konsumaturi fi tranżazzjonijiet bejn il-pari, filwaqt li jirrikonoxxi li tista' tingħata xi forma ta' protezzjoni permezz ta' awtoregolamentazzjoni;

21.

Jitlob li tittieħed azzjoni biex tkun żgurata osservanza sħiħa u kontinwa tar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur mill-fornitur ta' servizzi okkażjonali b'mod identiku jew komparabbli bħall-fornituri ta' servizzi professjonali;

22.

Jinnota li l-konsumaturi għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar jekk ir-reviżjonijiet minn utenti oħra ta' servizz jistgħux ikunu influenzati mill-fornitur, pereżempju fil-forma ta' riklamar imħallas;

23.

Jirrimarka l-ħtieġa ta' aktar ċarezza dwar salvagwardji għall-konsumaturi fil-każ ta' tilwim, u jitlob lill-pjattaformi kollaborattivi jiżguraw li jkun hemm sistemi effettivi għal proċeduri ta' tilwim u għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, b'hekk ikun faċilitat il-mod li bih il-konsumaturi jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom;

24.

Jenfasizza li mudelli tan-negozju tal-ekonomija kollaborattiva huma ġeneralment ibbażati fuq ir-reputazzjoni, u jenfasizza li t-trasparenza hi essenzjali f'dan ir-rigward; jemmen li f'ħafna każijiet il-mudelli tan-negozju tal-ekonomija kollaborattiva tagħti s-setgħa lill-konsumaturi u tippermetti li jkollhom rwol attiv, appoġġjat mit-teknoloġija; jenfasizza li għad hemm il-ħtieġa ta' regoli għall-protezzjoni tal-konsumaturi fl-ekonomija kollaborattiva speċjalment fejn hemm parteċipanti dominati mis-suq, informazzjoni asimmetrika jew nuqqas ta' għażla jew ta' kompetizzjoni; jissottolinja l-importanza li tkun garantita informazzjoni adegwata għall-konsumaturi dwar ir-reġim legali applikabbli għal kull tranżazzjoni u d-drittijiet u l-obbligi legali konsegwenti;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara aktar ir-reġim ta' responsabbiltà tal-pjattaformi kollaborattivi kemm jista' jkun malajr, sabiex tiġi promossa mġiba responsabbli, trasparenza, ċertezza legali u b'hekk tiżdied il-fiduċja tal-utenti; jirrikonoxxi, partikolarment, in-nuqqas ta' ċertezza speċjalment dwar jekk pjattaforma tipprovdix servizz sottostanti jew jekk hijiex qed toffri biss servizz ta' soċjetà ta' informazzjoni, skont id-Direttiva tal-Kummerċ elettroniku; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tipprovdi aktar gwida dwar dawn l-aspetti u tqis jekk humiex meħtieġa azzjonijiet ulterjuri biex il-qafas regolatorju jkun aktar effettiv; jinkoraġġixxi pjattaformi kollaborattivi biex, fl-istess ħin, jieħdu miżuri volontarji f'dan ir-rigward;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiskrutinizza l-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex tnaqqas l-inċertezzi u tiggarantixxi ċertezza legali akbar dwar ir-regoli applikabbli għal mudelli ta' negozju kollaborattiv u tivvaluta jekk regoli ġodda jew emendati humiex xierqa, partikolarment fir-rigward ta' intermedjarji attivi u l-informazzjoni u r-rekwiżiti ta' trasparenza, in-nuqqas ta' prestazzjoni u r-responsabilità tagħhom;

27.

Jemmen li kwalunkwe qafas regolatorju ġdid għandu jservi ta' lieva fuq il-kapaċitajiet tal-awtogovernanza u l-mekkaniżmi ta' rieżami tal-pari, minħabba li t-tnejn urew li jiffunzjonaw b'mod effettiv u jikkunsidra s-sodisfazzjon tal-konsumatur dwar servizzi kollaborattivi; huwa konvint li l-pjattaformi kollaborattivi nfushom jista' jkollhom rwol attiv f'ambjent regolatorju ġdid bħal dan billi jikkoreġu informazzjoni asimmetrika, speċjalment permezz ta' mekkaniżmi ta' reputazzjoni diġitali biex tiżdied il-fiduċja tal-utenti; jinnota, fl-istess ħin, li l-kapaċità awtoregolatorja tal-pjattaforma ma tissottitwix il-ħtieġa għar-regoli eżistenti, bħalma huma d-Direttivi dwar is-Servizzi u dwar il-Kummerċ Elettroniku, il-liġi tal-UE dwar il-Konsumatur u regoli oħra possibbli;

28.

Jemmen, għalhekk, li l-mekkaniżmi diġitali li jibnu l-fiduċja huma parti essenzjali tal-ekonomija kollaborattiva; jilqa' l-isforzi u l-inizjattivi kollha fis-seħħ mill-pjattaformi kollaborattivi biex jevitaw distorsjonijiet kif ukoll dawk bil-ħsieb li jsaħħu l-fiduċja u t-trasparenza fil-mekkaniżmi ta' klassifikazzjoni u rieżami, filwaqt li jistabbilixxu kriterji ta' reputazzjoni affidabbli, jintroduċu garanziji u assigurazzjoni, il-verifika tal-identità tal-pari u tal-prosumaturi u jiżviluppaw sistemi ta' pagament sikuri u trasparenti; iqis l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda, bħall-mekkaniżmi ta' klassifikar reċiproċi u l-adozzjoni volontarji ta' skemi ta' ċertifikazzjoni bħala eżempji tajbin dwar kif jiġu evitati l-abbużi, il-manipolazzjonijiet, il-frodi u l-feedback falz; jinkoraġġixxi pjattaformi kollaborattivi jitgħallmu mill-aħjar prattiki u biex jissensibilizzaw lilhom infushom dwar l-obbligi legali tagħhom lejn l-utenti;

29.

Jindika l-importanza kruċjali li jiġu ċċarati l-metodi li permezz tagħhom sistemi ta' teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzati bbażati fuq l-algoritmi joperaw sabiex jiggarantixxu l-ekwità u t-trasparenza tal-algoritmi; jitlob lill-Kummissjoni teżamina wkoll din il-kwistjoni mill-perspettiva ta' liġi tal-kompetizzjoni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni timpenja mal-Istati Membri, is-settur privat u r-regolaturi rilevanti bil-ħsieb li tfassal kriterji effettivi għall-iżvilupp ta' prinċipji algoritmiċi ta' dover ta' rendikont għal pjattaformi kollaborattivi abbażi tal-informazzjoni;

30.

Jenfasizza l-ħieġa ta' valutazzjoni tal-użu ta' data fejn jista' jkollha impatt differenti fuq partijiet differenti tas-soċjetà, biex tevita diskriminazzjoni u tivverifika l-ħsara potenzjali lil privatezza kkawżata mill-big data; ifakkar li l-UE diġà żviluppat qafas komprensiv għall-protezzjoni tad-data fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, u għalhekk jitlob biex il-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva ma jinjorawx il-kwistjoni tal-protezzjoni tad-data, billi jgħaddu informazzjoni trasparenti lill-fornituri ta' servizzi u lill-utenti dwar il-ġbir tad-data personali u l-mod li bih dik id-data tiġi proċessata;

31.

Jirrikonoxxi li ħafna regoli tal-acquis tal-UE diġà huma applikabbli għall-ekonomija kollaborattiva; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li tkompli tiżviluppa qafas legali tal-UE sabiex timpedixxi aktar frammentazzjoni tas-Suq Uniku bi qbil mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar u l-esperjenzi tal-Istati Membri; jemmen li dan il-qafas għandu jkun armonizzat, fejn xieraq, kif ukoll flessibbli, teknoloġikament newtrali u validu għall-futur u għandu jikkonsisti f'kumbinazzjoni ta' prinċipji ġenerali u regoli speċifiċi, minbarra kwalunkwe regolament speċifiku għas-settur li jista' jkun meħtieġ;

32.

Jenfasizza l-importanza ta' leġiżlazzjoni koerenti sabiex ikun garantit il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għal kulħadd u jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja r-regoli u l-leġiżlazzjoni attwali dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi qabel tintroduċi leġiżlazzjoni ġdida li tista' toħloq frammentazzjoni tas-suq intern;

Kompetizzjoni u konformità fiskali

33.

Jilqa' l-fatt li żieda fl-ekonomija kollaborattiva ġabet aktar kompetizzjoni u ħolqot sfida għall-operaturi eżistenti biex jiffukaw fuq id-domandi reali tal-konsumaturi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem favur kundizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni, f'servizzi kumparabbli fost il-pjattaformi kollaborattivi u bejniethom u l-intrapriżi tradizzjonali; jenfasizza l-importanza li jiġu identifikati u indirizzati l-ostakli għall-ħolqien u ż-żieda ta' negozji kollaborattivi, speċjalment in-negozji ġodda; jenfasizza f'dan il-kuntest il-ħtieġa għall-fluss liberu ta' data, il-portabbiltà u l-interoperabbiltà tad-data, li jiffaċilitaw it-tibdil bejn il-pjattaformi u jipprevjenu intrappolament, u li jikkostitwixxi l-fatturi ewlenin kollha għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta u l-parteċipazzjoni attiva tal-utenti ta' pjattaformi kollaborattivi filwaqt li jitqiesu l-interessi leġittimi tal-parteċipanti kollha tas-suq u jkunu protetti l-informazzjoni u d-data personali tal-utenti;

34.

Jilqa' t-traċċabilità akbar tat-tranżazzjonjiet ekonomiċi permessi mill-pjattaformi online sabiex jiżguraw konformità mat-taxxa u l-infurzar, imma jinsab imħasseb dwar id-diffikultajiet li ħarġu s'issa f'xi setturi; jenfasizza li l-ekonomija kollaborattiva qatt ma għandha tkun użata b'mod li bih ikunu evitati l-obbligi tat-taxxa; jenfasizza aktar il-ħtieġa urġenti għal kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-pjattaformi kollaborattivi dwar il-konformità fiskali u l-ġbir tat-taxxa; jirrikonoxxi li dawn il-kwistjonijiet ġew indirizzat f'xi Stati Membri u jieħu nota tas-suċċess tal-kooperazzjoni pubblika-privata f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita skambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri, li jinvolvi l-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet interessati, biex jiżviluppaw soluzzjonijiet effettivi u innovattivi li jsaħħu l-konformità fiskali u l-infurzar, sabiex jeliminaw ukoll ir-riskju ta' frodi tat-taxxa transfruntiera; jistieden lill-pjattaformi kollaborattivi jiżvolġu rwol attiv f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiċċaraw u jikkooperaw dwar l-informazzjoni li operaturi ekonomiċi differenti involuti fl-ekonomija kollaborattiva jridu jiżvelaw lill-awtoritajiet tat-taxxa fil-qafas tad-dmirijiet li għandhom li jipprovdu informazzjoni dwar it-taxxa, kif previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

35.

Jaqbel li obbligi ta' taxxa li jiffunzjonaw b'mod simili għandhom japplikaw għal negozji li jipprovdu servizzi kumparabbli, kemm jekk fl-ekonomija tradizzjonali kif ukoll fl-ekonomija kollaborattiva, u jemmen li t-taxxi għandhom jitħallsu fejn ikunu ġġenerati l-profitti u fejn hu involut aktar milli sempliċement kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż, filwaqt li jkun rispettat il-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif ukoll bi qbil mal-liġijiet nazzjonali u lokali;

Impatt fuq is-suq tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema

36.

Jenfasizza li r-rivoluzzjoni diġitali qed ikollha impatt sinifikanti fuq is-suq tax-xogħol u li xejriet emerġenti fl-ekonomija kollaborattiva jagħmlu parti minn tendenza attwali fi ħdan id-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà;

37.

Jinnota, fl-istess ħin, li l-ekonomija kollaborattiva qed tiftaħ opportunitajiet ġodda, rotot flessibbli u ġodda f'ħidma għall-utenti kollha, speċjalment għall-impjegati indipendenti, għal dawk li jinsabu qiegħda, attwalment 'il bogħod mis-suq tax-xogħol jew li mod ieħor ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fih u b'hekk dan jista' sservi bħala punt ta' dħul fis-suq tax-xogħol, speċjalment għaż-żgħażagħ u gruppi marġinalizzati; jirrimarka, madankollu, li f'ċerti ċirkustanzi, dan l-iżvilupp jista' jwassal ukoll għal sitwazzjonijiet prekarji; jenfasizza minn naħa waħda l-ħtieġa ta' flessibbiltà fis-suq tax-xogħol u min-naħa l-oħra ta' sigurtà ekonomika u soċjali għall-ħaddiema, bi qbil mad-drawwiet u t-tradizzjonijiet fl-Istati Membri;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina sa fejn ir-regoli eżistenti tal-UE huma applikabbli għas-suq tax-xogħol diġitali u tiżgura implimentazzjoni u infurzar adegwati; jistieden lill-Istati Membri biex, f'kollaborazzjoni mas-sħab soċjali u partijiet interessati rilevanti oħra, tevalwa, b'mod proattiv u abbażi tal-loġika ta' antiċipazzjoni, il-ħtieġa li tiġi modernizzata l-leġiżlazzjoni eżistenti, inklużi s-sistemi ta' sigurtà soċjali, biex tibqa' aġġornata mal-iżviluppi teknoloġiċi filwaqt li tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali bl-għan li jiżguraw l-esportabilità tal-benefiċċji u l-aggregazzjoni ta' perjodi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni; iħeġġeġ lis-sħab soċjali jaġġornaw il-ftehimiet kollettivi fejn ikun neċessarju, sabiex l-istandards ta' protezzjoni eżistenti jkunu jistgħu wkoll jinżammu fid-dinja tax-xogħol diġitali;

39.

Jissottolinja l-importanza kbira ferm tal-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema fis-servizzi kollaborattivi – l-ewwel u qabel kollox id-drittijiet tal-ħaddiema li jorganizzaw, id-dritt ta' negozjar kollettiv u ta' azzjoni kollettiva, bi qbil mad-dritt u l-prattika nazzjonali; ifakkar li l-ħaddiema kollha fl-ekonomija kollaborattiva jew huma impjegati jew jaħdmu għal rashom, abbażi tal-preminenza tal-fatti, u jridu jiġu klassifikati skont il-każ; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fl-oqsma ta' kompetenza rispettiva tagħhom, jiżguraw kundizzjonijiet ekwi tax-xogħol u protezzjoni legali u soċjali adegwata għall-ħaddiema kollha fl-ekonomija kollaborattiva, indipendentement mill-istatus tagħhom;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida dwar kif id-dritt tal-Unjoni japplika għad-diversi tipi ta' mudelli tan-negozju tal-pjattaformi sabiex, fejn ikun neċessarju, jimtlew il-lakuni regolatorji fil-qasam tal-impjieg u tas-sigurtà soċjali; jemmen li l-potenzjal għoli ta' trasparenza tal-ekonomija tal-pjattaformi jippermetti traċċabbiltà tajba, f'konformità mal-għan li tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni eżistenti; jistieden lill-Istati Membri jwettqu spezzjonijiet tax-xogħol suffiċjenti fir-rigward tal-pjattaformi online u jimponu sanzjonijiet fejn ir-regoli jkunu ġew miksura, b'mod partikolari f'termini ta' kundizzjonijiet ta' xogħol u ta' impjieg, u rekwiżiti speċifiċi dwar kwalifiki; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lix-xogħol mhux iddikjarat u x-xogħol indipendenti fittizju f'dan is-settur, u biex ipoġġu l-ekonomija tal-pjattaformi fuq l-aġenda tal-Pjattaforma Ewropea Kontra x-Xogħol Mhux Iddikjarat; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu riżorsi suffiċjenti għall-ispezzjonijiet;

41.

Jissottolinja l-importanza li jkunu żgurati d-drittijiet fundamentali u protezzjoni tas-sigurtà soċjali adegwata għall-għadd dejjem jikber ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom, li huma parteċipanti ewlenin fl-ekonomija kollaborattiva, inkluż id-dritt ta' negozjar u ta' azzjoni kollettiva, anke fir-rigward tal-kumpens;

42.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-ekonomija kollaborattiva se ġġib ukoll tħarbit, għalhekk jinkoraġġihom iħejju miżuri ta' assorbiment għal ċerti setturi, u li jappoġġjaw it-taħriġ u r-rikollokament;

43.

Jissottolinja l-importanza li l-ħaddiema tal-pjattaforma kollaborattiva jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-portabbiltà tal-klassifikazzjonijiet u tar-reviżjonijiet, li jikkostitwixxu l-valur tas-suq diġitali tagħhom u l-importanza li tkun faċilitata t-trasferibilità u l-akkumulu tal-klassifikazzjonijiet u r-reviżjonijiet fost pjattaformi differenti filwaqt li jkunu rispettati r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza tal-partijiet l-oħra kollha involuti; jinnota l-possibilità ta' prattiki inġusti u arbitrarji rigward il-klassifikazzjonijiet online li jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema tal-pjattaformi kollaborattivi u l-kapaċità tagħhom li jsibu impjieg; jemmen li l-mekkaniżmi ta' klassifikazzjoni u ta' reviżjoni għandhom ikunu żviluppati b'mod trasparenti u li l-ħaddiema għandhom ikunu infurmati u kkonsultati fil-livelli xierqa, u bi qbil mad-dritt u l-prattika tal-Istati Membri, dwar il-kriterji ġenerali użati biex jiġu żviluppati tali mekkanżimi;

44.

Jenfasizza l-importanza ta' aġġornament tal-ħiliet f'dinja ta' tibdil tal-impjieg biex ikun żgurat li l-ħaddiema kollha jkollhom il-ħiliet adegwati, kif meħtieġ mill-ekonomija u s-soċjetà diġitali; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lin-negozji tal-ekonomija kollaborattiva jagħmlu disponibbli t-taħriġ tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet; jemmen li l-investimenti pubbliċi u privati u opportunitajiet ta' finanzjament għal tagħlim u taħriġ tul il-ħajja huma meħtieġa, b'mod partikolari għal impriżi mikro u żgħar;

45.

Jenfasizza l-importanza tat-telexogħol u ta' smartworking fi ħdan l-ekonomija kollaborattiva u jirrakkomanda f'dan ir-rigward il-ħtieġa li t-tali forom ta' xogħol jiġu allinjati ma' dawk tradizzjonali;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina sa liema punt id-Direttiva dwar Xogħol Temporanju permezz ta' Aġenzija (2008/104/KE (14)) hija applikabbli għal pjattaformi online; iqis li ħafna pjattaformi online intermedji huma strutturalment simili għall-aġenziji ta' xogħol temporanji (relazzjoni kuntrattwali trijangolari bejn: ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija/ħaddiem tal-pjattaforma; aġenzija tax-xogħol temporanju/pjattaforma online; l-impriża utent/klijent);

47.

Jistieden lis-servizzi nazzjonali ta' impjieg pubbliku u lin-Netwerk tal-EURES jikkomunikaw aktar dwar l-opportunitajiet offruti mill-ekonomija kollaborattiva;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jipprovdu informazzjoni adegwata lill-ħaddiema tal-pjattaformi dwar kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg u d-drittijiet tal-ħaddiema, u dwar ir-relazzjonijiet tax-xogħol tagħhom ma' pjattaformi u utenti; iqis li l-pjattaformi għandhom jaqdu rwol proattiv fl-għoti ta' informazzjoni lill-utenti u lill-ħaddiema dwar il-qafas regolatorju applikabbli bl-għan li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali;

49.

Jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' data relatata mat-tibdil fid-dinja tal-impjiegi li ġabet magħha l-ekonomija kollaborattiva; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, anke f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, biex jiġbru data aktar affidabbli u komprensiva f'dan ir-rigward u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jaħtru entità nazzjonali kompetenti li diġà teżisti biex tissorvelja u tevalwa x-xejriet li ħerġin fis-suq tax-xogħol kollaborattiv; jenfasizza l-importanza tal-informazzjoni u tal-iskambji tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri f'dan il-kuntest; jissottolinja l-importanza ta' sorveljanza tas-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-ekonomija kollaborattiva sabiex ikunu miġġielda prattiki illegali;

Id-dimensjoni lokali tal-ekonomija kollaborattiva

50.

Josserva li għadd dejjem jikber ta' awtoritajiet u gvernijiet lokali huma diġà attivi fir-regolamentazzjoni u l-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva, b'attenzjoni partikolari fuq prattiki kollaborattivi kemm bħala s-suġġett tal-politiki tagħhom kif ukoll bħala prinċipju organizzattiv ta' forom ġodda ta' governanza kollaborattiva u d-demokrazija parteċipattiva;

51.

Jinnota li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom biżżejjed spazju ta' manuvrar biex jadottaw miżuri speċifiċi għall-kuntest sabiex jindirizzaw għanijiet ta' interess pubbliku identifikati b'mod ċar permezz ta' miżuri proporzjonati li huma kompletament konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fit-tfassil tal-politika tagħhom u fl-adozzjoni ta' regoli konsistenti mad-dritt tal-Unjoni;

52.

Jinnota li dawk li aġixxew l-ewwel kienu l-ibliet, fejn il-kundizzjonijiet urbani bħad-densità tal-popolazzjoni u l-prossimità fiżika jiffavorixxu l-adozzjoni ta' prattiki kollaborattivi, filwaqt li estendew l-attenzjoni minn bliet intelliġenti għal bliet li jiskambjaw, u ħaffew it-tranżizzjoni għal infrastrutturi aktar faċli għaċ-ċittadini; jinsab ukoll konvint li l-ekonomija kollaborattiva tista' toffri opportunitajiet sinifikanti lill-periferiji interni, żoni rurali u territorji żvantaġġjati, tista' ġġib fororm ġodda u inklużivi ta' żvilupp, jista' jkollha impatt soċjoekonomiku pożittiv, u tgħin komunitajiet marġinalizzati b'benefiċċji indiretti għas-settur tat-turiżmu;

Il-promozzjoni tal-ekonomija kollaborattiva

53.

Jinnota l-importanza ta' ħiliet ta' kompetenzi u taħriġ adegwati bil-ħsieb li l-ikbar numru ta' individwi possibbli jkunu jistgħu jiżvolġu rwol attiv fl-ekonomija kollaborattiva u jilliberaw il-potenzjal tagħha;

54.

Jenfasizza li l-ICTs jippermettu li l-ideat innovattivi fl-ekonomija kollaborattiva jevolvu malajr u b'mod effiċjenti, filwaqt li jgħaqqdu u jagħtu s-setgħa lill-parteċipanti, kemm jekk ikunu utenti kif ukoll fornituri ta' servizzi, billi jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom fis-suq u l-involviment tagħhom fih, u b'hekk jagħmlu liż-żoni remoti u rurali aktar aċċessibbli;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni tkun proattiva fl-inkoraġġiment ta' kooperazzjoni pubblika-privata partikolarment fir-rigward tal-introduzzjoni tal-e-IDs, biex iżżid il-fiduċja tal-konsumatur u tal-fornituri ta' servizz fi tranżazzjonijiet online, biex tibni fuq il-qafas tal-UE għal rikonoxximent reċiproku ta' eIDs, u biex tindirizza ostakli eżistenti oħra għat-tkabbir fl-ekonomija kollaborattiva, bħall-ostakli għall-għoti ta' skemi ta' assikurazzjoni transfruntiera;

56.

Jindika l-mod li bih l-introduzzjoni tal-5G se tibdel b'mod fundamentali l-loġika tal-ekonomiji tagħna filwaqt li tagħmel is-servizzi aktar varjati u aċċessibbli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jinħoloq suq kompetittiv għan-negozji innovattivi, li s-suċċess tagħhom fl-aħħar mill-aħħar se jiddefinixxi s-saħħa tal-ekonomiji tagħna;

57.

Jinnota li l-ekonomija kollaborattiva qed issir dejjem aktar importanti fis-settur tal-enerġija, u li qed tippermetti lill-konsumaturi, il-produtturi, l-individwi u l-komunitajiet jipparteċipaw b'mod effiċjenti f'bosta fażijiet deċentralizzati taċ-ċiklu tal-enerġija rinovabbli, inklużi l-awtoproduzzjoni u l-awtokonsum, il-ħżin u t-tqassim, bi qbil mal-objettivi tal-klima u l-enerġija tal-Unjoni;

58.

Jirrimarka li l-ekonomija kollaborattiva tikber, partikolarment f'dawk il-komunitajiet li fihom mudelli ta' kondiviżjoni tal-għarfien u l-edukazzjoni huma qawwija, b'hekk jikkatalizzaw u jikkonsolidaw kultura ta' innovazzjoni miftuħa; jenfasizza l-importanza ta' netwerks fissi u bla fili ultra veloċi bħala prekundizzjoni biex jiġi żviluppat il-potenzjal sħiħ tal-ekonomija kollaborattiva u biex jinkisbu l-benefiċċji offruti mill-mudell kollaborattiv; ifakkar, għalhekk, fil-ħtieġa li jkun permess aċċess adegwat għan-netwerk għaċ-ċittadini kollha fl-UE, speċjalment f'dawk iż-żoni l-inqas popolati, remoti jew rurali, fejn għad m'hemmx disponibbli konnettività suffiċjenti;

59.

Jissottolinja li l-ekonomija kollaborattiva hija ekosistema li teħtieġ appoġġ għall-iżvilupp u l-espansjoni tagħha u li teħtieġ tibqa' miftuħa għar-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda sabiex tattira investimenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE jkunu validi għall-futur, b'attenzjoni partikolari għall-ftuħ ta' spazji orjentati lejn l-esperimentazzjoni u mhux esklużivi u t-trawwim tal-konnettività u l-litteriżmu diġitali, l-appoġġ ta' imprendituri u negozji ġodda Ewropej, l-inċentivazzjoni tal-Industrija 4.0, iċ-ċentri ta' innovazzjoni, il-clusters u l-inkubaturi, filwaqt li fl-istess ħin jiżviluppaw sinerġiji ta' koabitazzjoni mal-mudelli ta' negozju tradizzjonali;

60.

Jenfasizza n-natura kumplessa tas-settur tat-trasport fi ħdan l-ekonomija kollaborattiva u barra minnha; jinnota li dan is-settur hu suġġett għal regolamentazzjoni qawwija; jinnota l-potenzjal tal-mudelli tal-ekonomija kollaborattiva biex jittejbu b'mod sinifikanti l-effiċjenza u l-iżvilupp sostenibbli tas-sistema tat-trasport (inkluż permezz ta' biljetti tal-ivvjaġġar multimodali u konsistenti fi vjaġġ wieħed għall-utenti tat-trasport b'apps tal-ekonomija kollaborattiva) is-sikurezza u s-sigurtà tagħha u li tagħmel iż-żoni remoti jsiru iktar aċċessibbli u tnaqqas l-esternalitajiet mhux mixtieqa tal-konġestjoni tat-traffiku;

61.

Jitlob lill-awtoritajiet rilevanti jippromwovu l-koeżistenza benefiċjarja ta' servizzi ta' trasport kollaborattiv u ta' sistema ta' trasport konvenzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-ekonomija kollaborattiva fil-ħidma tagħha dwar teknoloġiji ġodda fit-trasport (vetturi konnessi, vetturi awtonomi, ħruġ ta' biljetti diġitali integrat u sistemi ta' trasport intelliġenti) minħabba l-interazzjonijiet qawwija u s-sinerġiji naturali tagħhom;

62.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' ċertezza legali għal pjattaformi u l-utenti tagħhom sabiex ikun żgurat l-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva fis-settur tat-trasport fl-UE; jinnota li fis-settur tal-mobbiltà, hu importanti li b'mod ċar ikun differenzjat bejn fuq naħa waħda (i) car-pooling u l-qsim tal-ispejjeż fil-kuntest ta' trip eżistenti li x-xufier ikun ippjana għall-iskopijiet tiegħu, u fuq l-oħra (ii) servizzi tat-trasport tal-passiġġieri regolat;

63.

Ifakkar li, skont l-estimi tal-Kummissjoni, l-akkomodazzjoni bejn il-pari hija l-akbar settur tal-ekonomija kollaborattiva fuq il-bażi tal-kummerċ iġġenerat, filwaqt li t-trasport bejn il-pari hija l-akbar pjattaforma meta mkejla mil-lat ta' dħul;

64.

Jenfasizza li fis-settur tat-turiżmu l-kondiviżjoni tad-djar tirrappreżenta użu eċċellenti tar-riżorsi u tal-ispajzju li mhux użat biżżejjed, speċjalment fiż-żoni li tradizzjonalment ma jibbenefikawx mit-turiżmu;

65.

Jikkundanna, f'dan ir-rigward, ir-regolamenti li qed jiġu imposti minn xi awtoritajiet pubbliċi, li jippruvaw jillimitaw il-provvista ta' akkomodazzjoni turistika offruta permezz tal-ekonomija kollaborattiva;

66.

Jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet iffaċċjati mill-pjattaformi kollaborattivi Ewropej fl-aċċess għall-kapital ta' riskju u fl-istrateġiji ta' żvilupp tagħhom, aċċentwati mid-daqs żgħir u l-frammentazzjoni tas-swieq domestiċi u minn nuqqas kritiku ta' investimenti transfruntiera; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti ta' finanzjament eżistenti biex jinvestu f'negozji kollaborattivi u jippromwovu inizjattivi li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament, speċjalment għal negozji ġodda, impriżi żgħar u ta' daqs medju u n-negozji;

67.

Jenfasizza li sistemi ta' finanzjament kollaborattiv, bħall-finanzjament kollettiv, huwa kumpliment importanti għal finanzjament tradizzjonali bħala parti minn ekosistema ta' finanzjament effettiva;

68.

Jinnota li s-servizzi provduti mill-SMEs fis-settur tal-ekonomija kollaborattiva mhux dejjem huma mfassla apposta għall-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabbiltajiet u l-anzjani; jappella għal għodod u programmi bil-ħsieb li dawn l-operaturi jiġu appoġġjati jqisu l-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabbiltajiet;

69.

Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita u tippromwovi l-aċċess għal linji ta' finanzjament xierqa għal imprendituri Ewropej li joperaw fis-settur tal-ekonomija kollaborattiva, kif ukoll fil-qafas tal-Programm ta' Riċerka u Innovazzjoni tal-UE -Orizzont 2020;

70.

Jinnota l-iżvilupp rapidu u d-diffużjoni li qed tiżdied tat-teknoloġiji innovattivi u tal-għodda diġitali, bħall-blockchains u teknoloġiji ta' reġistru distribwit, ukoll fis-settur finanzjarju; jissottolinja li l-użu ta' dawn it-teknoloġiji deċentralizzati jippermetti tranżazzjonijiet effettivi bejn il-pari u konnessjonijiet fl-ekonomija kollaborattiva li jwasslu għall-ħolqien ta' swieq jew netwerks indipendenti u jissostitwixxu, fil-futur, ir-rwol li jiżvolġu llum l-intermedjarji fil-pjattaformi kollaborattivi;

o

o o

71.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0009.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0237.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2016)0455

(4)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11834-2016-INIT/en/pdf

(5)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(6)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(7)  ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

(8)  ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11.

(9)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(10)  ECON-VI/016

(11)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 33.

(12)  Flash Eurobarometer 438 (Marzu 2016) dwar “The use of collaborative platforms”

(13)  ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.

(14)  ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9.


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/135


P8_TA(2017)0272

Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-pjattaformi online u s-suq uniku diġitali (2016/2276(INI))

(2018/C 331/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 dwar “Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa” (COM(2016)0288) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0172),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 dwar “Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva” (COM(2016)0356) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0184),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 dwar “Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika” (COM(2016)0179) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjawha (SWD(2016)0108 u SWD(2016)0109),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 dwar “Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea Ingawdu l-benefiċċji kollha ta' Suq Uniku Diġitali” (COM(2016)0180) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0110),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 dwar “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (COM(2015)0192) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 dwar l-“Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa” (COM(2016)0178) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0106),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 dwar “Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data” (COM(2017)0009) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2017)0002),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-Inizjattiva Cloud Ewropea (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (4),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 531/2012 fir-rigward tar-regoli għas-swieq tar-roaming bl-ingrossa (COM(2016)0399),

wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (COM(2016)0590),

wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2016)0593),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (5) (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (6) (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni) (7),

wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (COM(2016)0287) (Direttiva AVMS),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (COM(2016)0283),

wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali (COM(2015)0634),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 dwar “Gwida dwar l-implimentazzjoni/l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiki kummerċjali żleali” (SWD(2016)0163),

wara li kkunsidra l-“Gwida tas-settur tal-ICT dwar l-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem”, ippubblikata mill-Kummissjoni f'Ġunju 2013,

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2016 bit-titolu “Rapport Preliminari dwar l-Inkjesta Settorjali tal-Kummerċ Elettroniku” (SWD(2016)0312),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali – Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa” (8),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0204/2017),

A.

billi r-raison d'être tas-suq uniku diġitali hija li tiġi evitata l-frammentazzjoni bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u biex jiġu aboliti ostakoli tekniċi, legali u tat-taxxa sabiex jippermettu lin-negozji, liċ-ċittadini u lill-konsumaturi jibbenefikaw bis-sħiħ mill-għodod u s-servizzi diġitali;

B.

billi d-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda jkomplu jibdlu l-forom ta' komunikazzjoni, l-aċċess għall-informazzjoni u l-imġiba taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-kumpaniji, u billi r-raba' rivoluzzjoni industrijali se twassal għad-diġitalizzazzjoni tal-aspetti kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà;

C.

billi l-użu li qed jevolvi tal-internet u tal-apparati tal-mobiles joffri opportunitajiet kummerċjali ġodda għan-negozji ta' kull daqs u jiġġenera mudelli ta' negozju ġodda u alternattivi li jieħdu vantaġġ minn teknoloġiji ġodda u mill-aċċess għas-suq globali, imma joħloq ukoll sfidi ġodda;

D.

billi l-iżvilupp u l-użu li qed jevolvu ta' pjattaformi tal-internet għal ġabra wiesgħa ta' attivitajiet, inklużi attivitajiet kummerċjali u l-kondiviżjoni ta' oġġetti u servizzi, biddlu l-modi li bihom l-utenti u l-kumpaniji jinteraġixxu mal-fornituri ta' kontenut, il-kummerċjanti u individwi oħra li joffru oġġetti u servizzi;

E.

billi d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku teżenta lill-intermedjarji mir-responsabbiltà għall-kontenut biss jekk la jkollhom għarfien u lanqas kontroll b'rabta mal-informazzjoni trażmessa u/jew ospitata, iżda fejn l-intermedjarji jkollhom għarfien attwali ta' ksur jew attività illegali jew informazzjoni li tirrikjedi azzjoni rapida sabiex ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal informazzjoni jew attività illegali u malli jiksbu tali għarfien;

F.

billi bosta pjattaformi online u servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni joffru aċċess aktar faċli għal oġġetti, servizzi u kontenut diġitali, u estendew l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-konsumaturi u atturi oħra;

G.

billi l-Kummissjoni qed twettaq għadd ta' valutazzjonijiet tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u prattiki B2B li jitwettqu minn pjattaformi online lejn l-utenti kummerċjali tagħhom;

H.

billi l-kreattività u l-innovazzjoni huma l-muturi tal-ekonomija diġitali, u billi huwa għalhekk essenzjali li jiġi żgurat li jkun hemm livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

Daħla ġenerali

1.

Jilqa' l-komunikazzjoni dwar “Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali – Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa”;

2.

Jilqa' d-diversi inizjattivi diġà proposti taħt l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa; jenfasizza l-importanza tal-koordinazzjoni u l-konsistenza bejn dawn l-inizjattivi; iqis li l-ksib ta' suq uniku diġitali huwa essenzjali għat-trawwim tal-kompetittività tal-UE, għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja u b'ħiliet għolja u għall-promozzjoni tat-tkabbir tal-ekonomija diġitali fl-Ewropa;

3.

Jirrikonoxxi li l-pjattaformi online jibbenefikaw mill-ekonomija u s-soċjetà diġitali tal-lum billi jżidu l-għażliet disponibbli għall-konsumaturi u joħolqu u jiffurmaw swieq ġodda; jirrimarka, madankollu, li l-pjattaformi online jippreżentaw sfidi ġodda regolatorji u ta' politika;

4.

Ifakkar li bosta politiki tal-UE japplikaw ukoll għall-pjattaformi online, iżda jinnota li f'xi każijiet il-leġiżlazzjoni ma tiġix infurzata kif suppost jew tiġi interpretata b'mod differenti mill-Istati Membri; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni u infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE qabel ma jitqies jekk hemmx ħtieġa li l-qafas legali attwali jiġi kkomplementat sabiex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni;

5.

Jilqa' l-ħidma li qed issir biex jiġi aġġornat u kkomplementat il-qafas ġuridiku attwali sabiex ikun adatt għall-iskop fl-era diġitali; jemmen li ambjent regolatorju effikaċi u attraenti huwa vitali għall-iżvilupp ta' negozju online u diġitali fl-Ewropa;

Id-definizzjoni ta' pjattaformi

6.

Jirrikonoxxi li jkun diffiċli ħafna li tintlaħaq definizzjoni ta' pjattaformi online fil-livell tal-UE li tkun unika, legalment rilevanti u ħielsa mill-problemi fil-futur, minħabba fatturi bħal pereżempju l-varjetà kbira tat-tipi ta' pjattaformi online eżistenti u l-oqsma ta' attività tagħhom, kif ukoll minħabba l-ambjent tad-dinja diġitali li qed jinbidel b'rata mgħaġġla; jemmen li fi kwalunkwe każ definizzjoni tal-UE waħda jew approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” ma jgħinux lill-UE tirnexxi fl-ekonomija tal-pjattaforma;

7.

Huwa konxju, fl-istess waqt, mill-importanza li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern tal-UE li tista' sseħħ permezz tal-proliferazzjoni ta' regoli u ta' definizzjonijiet reġjonali jew nazzjonali, kif ukoll tal-ħtieġa li tiġi pprovduta ċertezza u kundizzjonijiet ekwi kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi;

8.

Jemmen, għalhekk, li l-pjattaformi online jenħtieġ li jiġu distinti u definiti f'leġiżlazzjoni speċifika għas-setturi rilevanti fil-livell tal-UE skont il-karatteristiċi, il-klassifikazzjonijiet u l-prinċipji tagħhom u skont approċċ immotivat mill-problemi;

9.

Jilqa' l-ħidma li għaddejja tal-Kummissjoni dwar il-pjattaformi online, inklużi konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati u t-twettiq ta' valutazzjoni tal-impatt; jemmen li dan it-tip ta' approċċ ibbażat fuq l-evidenza huwa essenzjali għall-ħolqien ta' fehim komprensiv f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, jekk ikun meħtieġ, miżuri regolatorji jew miżuri oħra bbażati fuq din l-analiżi fil-fond;

10.

Jinnota li l-pjattaformi online B2C u C2C joperaw fi ħdan medda diversa ħafna ta' attivitajiet, bħal pereżempju l-kummerċ elettroniku, il-media, il-magni tat-tiftix, il-komunikazzjonijiet, is-sistemi ta' pagament, il-forniment tax-xogħol, is-sistemi operattivi, it-trasport, ir-reklamar, id-distribuzzjoni ta' kontenut kulturali, l-ekonomija kollaborattiva u n-netwerks soċjali; jinnota wkoll li minkejja li ċerti karatteristiċi komuni jippermettu l-identifikazzjoni ta' dawn l-entitajiet, il-pjattaformi online jistgħu jieħdu ħafna forom u jistgħu jittieħdu ħafna approċċi differenti biex tiġi identifikata waħda;

11.

Jinnota li pjattaformi online B2C u C2C huma, xi ftit jew wisq, ikkaratterizzati minn ċerti karatteristiċi komuni, bħal, iżda mhux limitati għal: swieq li joperaw b'diversi aspetti; jippermettu lill-partijiet jagħmlu parti minn żewġ gruppi tal-utenti distinti jew aktar biex jidħlu f'kuntatt dirett b'mezzi elettroniċi; konnessjoni ta' tipi differenti ta' utenti; joffru servizzi online mfassla skont il-preferenzi tal-utent u bbażati fuq data pprovduta mill-utenti; il-klassifikazzjoni jew referenzjar tal-kontenut, pereżempju bl-użu ta' algoritmi, oġġetti jew servizzi proposti jew imqiegħda online minn partijiet terzi; li jlaqqgħu flimkien diversi partijiet bl-għan tal-bejgħ ta' oġġett, il-provvista ta' servizz jew l-iskambju jew il-kondiviżjoni ta' kontenut, informazzjoni, oġġetti jew servizzi;

12.

Jirrimarka l-importanza kruċjali li jiġu ċċarati l-metodi li bihom jittieħdu deċiżjonijiet fuq il-bażi ta' algoritmi u li tiġi promossa t-trasparenza fl-użu ta' dawn l-algoritmi; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-potenzjal ta' żbalji u preġudizzji fl-użu ta' algoritmi sabiex jiġi evitat kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni jew ta' prattika inġusta u kwalunkwe ksur ta' privatezza;

13.

Iqis madankollu li jenħtieġ li ssir differenza ċara bejn pjattaformi B2C u B2B, fid-dawl tal-pjattaformi online B2B emerġenti, li huma ewlenin għall-iżvilupp tal-internet industrijali bħas-servizzi bbażati fuq cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni tad-data li jippermettu l-komunikazzjoni bejn il-prodotti tal-internet tal-oġġetti; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-ostakoli fis-suq uniku li qed ixekklu t-tkabbir ta' dawn il-pjattaformi;

Il-faċilitazzjoni tat-tkabbir sostenibbli tal-pjattaformi online Ewropej

14.

Jinnota li l-pjattaformi online jużaw l-internet bħala mezz ta' interazzjoni u jaġixxu bħala faċilitaturi bejn il-partijiet, u għaldaqstant jipprovdu benefiċċji lill-utenti, lill-konsumaturi u lin-negozji billi jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq globali; jinnota li l-pjattaformi online jistgħu jikkontribwixxu għall-aġġustament tal-provvista u d-domanda tal-oġġetti u tas-servizzi, abbażi tas-sentiment komunitarju, l-aċċess kondiviż, ir-reputazzjoni u l-fiduċja;

15.

Jinnota li l-pjattaformi u l-applikazzjonijiet online, li ħafna minnhom huma maħluqa minn żviluppaturi tal-applikazzjonijiet Ewropej, jibbenefikaw mill-għadd enormi u dejjem jikber ta' apparati mobbli, PCs, laptops u apparati oħra tal-informatika konnessi, u qed ikunu dejjem aktar disponibbli fuq dawk l-apparati;

16.

Jirrimarka li l-ogħla prijorità jeħtieġ li tingħata sabiex ikun żgurat biżżejjed investiment għall-introduzzjoni ta' netwerks tal-broadband b'veloċità għolja u infrastrutturi diġitali oħra sabiex jintlaħqu l-miri ta' konnettività ta' soċjetà tal-gigabits, peress li tali introduzzjoni hija kruċjali biex tippermetti liċ-ċittadini u lin-negozji jaħsdu l-benefiċċji tal-iżvilupp ta' teknoloġija 5G, u b'mod ġenerali biex tiġi żgurata l-konnettività bejn l-Istati Membri;

17.

Jenfasizza li l-użu dejjem aktar mifrux ta' apparati intelliġenti, inklużi smartphones u tablets, estenda u tejjeb aktar l-aċċess għal servizzi ġodda, inklużi pjattaformi online, u b'hekk saħħaħ ir-rwol tagħhom fl-ekonomija u fis-soċjetà, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, imma aktar u aktar fost il-gruppi tal-etajiet kollha; jinnota li d-diġitalizzazzjoni se tkompli tiżdied bl-iżvilupp b'ritmu mgħaġġel tal-internet tal-oġġetti, li huwa mistenni li jikkollega 25 biljun oġġett sal-2020;

18.

Iqis li l-aċċess għall-pjattaformi online permezz ta' teknoloġija ta' kwalità għolja huwa importanti għaċ-ċittadini u n-negozji kollha, mhux biss għal dawk li huma diġà attivi online; jenfasizza l-importanza li jiġi evitat il-ħolqien ta' lakuni li jistgħu potenzjalment jinħolqu minn nuqqas ta' ħiliet diġitali jew aċċess inugwali għat-teknoloġija; jenfasizza li approċċ impenjat lejn l-iżvilupp ta' ħiliet diġitali huwa meħtieġ fil-livell nazzjonali u Ewropew;

19.

Jiġbed l-attenzjoni lejn is-swieq ta' pjattaformi online li qed jiżviluppaw b'mod rapidu, li joffru spazju ġdid għall-prodotti u s-servizzi; jirrikonoxxi n-natura globali u transfruntiera ta' dawn is-swieq; jirrimarka li s-swieq ta' pjattaformi online globali joffru lill-konsumaturi firxa wiesgħa ta' għażliet u kompetizzjoni effikaċi tal-prezzijiet; jinnota li l-ftehim “roam like at home” isostni d-dimensjoni transfruntiera tal-pjattaformi online billi jagħmel l-użu ta' servizzi online aktar affordabbli;

20.

Jinnota r-rwol dejjem jikber tal-pjattaformi online fil-kondiviżjoni u l-provvista ta' aċċess għall-aħbarijiet u għal informazzjoni oħra siewja għaċ-ċittadini kif ukoll għall-funzjonament tad-demokrazija; jemmen li l-pjattaformi online jistgħu jaġixxu wkoll bħala faċilitaturi tal-governanza elettronika;

21.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi t-tkabbir ta' pjattaformi online Ewropej u ta' negozji ġodda u ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom biex jespandu u jikkompetu globalment; jistieden lill-Kummissjoni żżomm politika li tiffavorixxi l-innovazzjoni fir-rigward tal-pjattaformi online sabiex tiffaċilita d-dħul fis-suq; jiddispjaċih dwar il-proporzjon baxx ta' kapitalizzazzjoni tas-suq tal-UE fuq pjattaformi online; jisħaq ukoll fuq l-importanza li jitneħħew l-ostakoli li jfixklu l-operat bla xkiel ta' pjattaformi online bejn il-fruntieri u li jfixklu t-tħaddim tas-suq uniku diġitali Ewropew; jenfasizza l-importanza tan-nondiskriminazzjoni u tal-ħtieġa li jiġi ffaċilitat il-bdil bejn il-pjattaformi li joffru servizzi kompatibbli;

22.

Jenfasizza li fatturi kruċjali jinkludu l-ambjent miftuħ, ir-regoli omoġenji, id-disponibbiltà ta' konnettività suffiċjenti, l-interoperabbiltà tal-applikazzjonijiet eżistenti u d-disponibbiltà ta' standards miftuħa;

23.

Jirrikonoxxi l-benefiċċji sinifikanti li l-pjattaformi online jistgħu joffru lill-SMEs u lin-negozji ġodda; jinnota li l-pjattaformi online spiss huma l-ewwel pass l-aktar faċli u l-aktar xieraq għan-negozji ż-żgħar li jkunu jixtiequ jmorru online u jibbenefikaw minn kanali ta' distribuzzjoni online; jinnota li l-pjattaformi online jippermettu lill-SMEs u lin-negozji l-ġodda jkollhom aċċess għas-swieq globali mingħajr ma jkollhom jinvestu b'mod eċċessiv fil-bini ta' infrastruttura diġitali għalja; jissottolinja l-importanza tat-trasparenza u l-aċċess ġust għall-pjattaformi, u jfakkar li d-dominanza li qed tiżdied ta' xi pjattaformi online jenħtieġ li ma tnaqqasx il-libertà intraprenditorjali;

24.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprijoritizza azzjonijiet li jippermettu li negozji Ewropej ġodda u pjattaformi online Ewropej jinħolqu u jespandu; jenfasizza li l-faċilitazzjoni tal-finanzjament u tal-investiment f'negozji ġodda, bl-użu tal-istrumenti ta' finanzjament eżistenti kollha, hija vitali għall-iżvilupp ta' pjattaformi online li joriġinaw fl-Ewropa, b'mod partikolari permezz ta' aċċess għal kapital ta' riskju u mezzi differenti bħal dawk bankarji jew fondi pubbliċi, jew permezz ta' għażliet alternattivi ta' finanzjament bħalma huma l-finanzjament kollettiv u l-investiment kollettiv;

25.

Jinnota li xi pjattaformi online jagħmlu possibbli l-ekonomija kollaborattiva u jikkontribwixxu għat-tkabbir tagħha fl-Ewropa; jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ekonomija kollaborattiva u jenfasizza li din jenħtieġ li tirrappreżenta l-ewwel pass lejn strateġija tal-UE aktar komprensiva f'dan il-qasam li jappoġġja l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda; jenfasizza li dawk il-mudelli ta' negozju ġodda joħolqu impjiegi, irawwmu l-intraprenditorija u joffru servizzi ġodda, aktar għażla u prezzijiet aħjar għaċ-ċittadini u għall-konsumaturi, kif ukoll jiġġeneraw il-flessibbiltà u opportunitajiet ġodda, iżda jistgħu wkoll jagħtu lok għal sfidi u riskji għall-ħaddiema;

26.

Jirrimarka li l-Istati Membri għamlu avvanz fil-qasam tax-xogħol u tal-istandards soċjali u fis-sistemi ta' protezzjoni soċjali f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, u jenfasizza li l-iżvilupp tad-dimensjoni soċjali jrid jiġi garantit ukoll fl-era diġitali; jinnota li d-diġitalizzazzjoni li qed tiżdied tħalli impatt fuq is-swieq tax-xogħol, fuq id-definizzjoni mill-ġdid tal-impjiegi u fuq ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-ħaddiema u n-negozji; jinnota l-importanza li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tax-xogħol u għad-drittijiet soċjali u għall-infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex jitrawwmu aktar l-iskemi ta' sigurtà soċjali u l-kwalità tal-impjiegi; jistieden ukoll lill-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mas-sħab soċjali u mal-partijiet interessati rilevanti oħra, biex jivvalutaw il-ħtieġa għall-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, inklużi s-sistemi ta' sigurtà soċjali, sabiex iżommu ruħhom aġġornati dwar l-iżvilupp teknoloġiku filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll jiġu garantiti kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti u jiġu prodotti benefiċċji ġenerali għas-soċjetà fl-intier tagħha;

27.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm sigurtà soċjali adegwata għall-ħaddiema indipendenti, li huma atturi ewlenin fis-suq tax-xogħol diġitali; jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi ġodda ta' protezzjoni, fejn meħtieġ, sabiex jiżguraw kopertura adegwata għall-ħaddiema tal-pjattaformi online kif ukoll in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u biex jikkondividu l-aħjar prattiki fil-livell Ewropew;

28.

Jinnota li l-pjattaformi tas-saħħa online jistgħu jappoġġjaw attivitajiet innovattivi billi joħolqu u jittrasferixxu l-għarfien rilevanti minn konsumaturi impenjati fil-kura tas-saħħa lejn l-innovazzjoni tal-ambjent tal-kura tas-saħħa; jenfasizza li pjattaformi ġodda tal-innovazzjoni, flimkien se jfasslu u joħolqu l-ġenerazzjoni li jmiss ta' prodotti tal-kura tas-saħħa innovattivi sabiex jaqblu preċiżament mal-ħtiġijiet li attwalment mhumiex issodisfati;

Tiġi ċċarata r-responsabbiltà tal-intermedjarji

29.

Jinnota li r-reġim attwali tal-UE fir-rigward tar-responsabbiltà limitata tal-intermedjarji huwa waħda mill-kwistjonijiet imqajma minn ċerti partijiet interessati fid-dibattitu li għaddej dwar il-pjattaformi online; jinnota li l-konsultazzjoni dwar l-ambjent regolatorju għall-pjattaformi wriet appoġġ relattiv għall-qafas attwali li jinsab fid-Direttiva dwar il-Kummerċ elettroniku, iżda wkoll il-ħtieġa li jiġu eliminati ċerti nuqqasijiet fl-infurzar tagħha; jemmen, għaldaqstant, li r-reġim ta' responsabbiltà għandu jiġi ċċarat aktar, peress li huwa pilastru kruċjali għall-ekonomija diġitali tal-UE; jemmen li tinħtieġ gwida mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta' responsabbiltà intermedjarja sabiex tippermetti lil pjattaformi online jikkonformaw mar-responsabbiltajiet tagħhom u r-regoli dwar ir-responsabbiltà, ittejjeb iċ-ċertezza legali, u żżid il-fiduċja tal-utenti; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa aktar passi f'dan is-sens, u jfakkar li l-pjattaformi li ma jiżvolġux rwol newtrali kif definit fid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku ma jistgħux jitolbu eżenzjoni mir-responsabbiltà;

30.

Jenfasizza li, minkejja l-fatt li llum qed jiġi kkunsmat aktar kontenut kreattiv minn qatt qabel fuq servizzi bħal pjattaformi ta' kontenut imtella' mill-utenti u servizzi ta' aggregazzjoni tal-kontenut, is-setturi kreattivi ma rawx żieda komparabbli fi dħul minn din iż-żieda fil-konsum; jenfasizza li waħda mir-raġunijiet prinċipali għal dan qed tiġi meqjusa bħala trasferiment ta' valur li rriżulta minħabba n-nuqqas ta' ċarezza rigward l-istatus ta' dawn is-servizzi online skont il-liġi tad-drittijiet tal-awtur u tal-kummerċ elettroniku; jenfasizza li nħoloq suq inġust, li qed jhedded l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali u l-atturi ewlenin tiegħu, b'mod partikolari l-industriji kulturali u kreattivi;

31.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tippubblika gwida dwar ir-responsabbiltà intermedjarja peress li hemm ċertu nuqqas ta' ċarezza rigward ir-regoli attwali u l-implimentazzjoni tagħhom f'xi Stati Membri; jemmen li l-gwida se ssaħħaħ il-fiduċja tal-utenti fis-servizzi online; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni lejn id-differenzi regolatorji bejn id-dinja online u dik offline u toħloq kundizzjonijiet ekwi għal servizzi komparabbli online u offline, fejn meħtieġ u possibbli u filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet ta' kull qasam, l-evoluzzjoni tas-soċjetà, il-ħtieġa għal aktar trasparenza u ċertezza legali, u l-bżonn li ma tiġix imfixkla l-innovazzjoni;

32.

Iqis li l-pjattaformi diġitali huma mezz biex jingħata aċċess usa' għal xogħlijiet kulturali u kreattivi u joffru opportunitajiet kbar biex l-industriji kulturali u kreattivi jiżviluppaw mudelli ġodda ta' negozju; jenfasizza l-ħtieġa li jitqies kif dan il-proċess jista' jiffunzjona b'aktar ċertezza legali u b'rispett akbar għad-detenturi tad-drittijiet; jissottolinja l-importanza tat-trasparenza u li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi; iqis, f'dan ir-rigward, li l-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet fi ħdan il-qafas tad-drittijiet tal-awtur u tal-proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiżgura r-rikonoxximent tal-valuri u l-istimolu tal-innovazzjoni, il-kreattività, l-investiment u l-produzzjoni tal-kontenut;

33.

Iħeġġeġ lill-pjattaformi online jsaħħu l-miżuri li jindirizzaw kontenut illegali u ta' ħsara online; jilqa' x-xogħol li għaddej fuq id-Direttiva AVMS u l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi miżuri għal pjattaformi ta' “video-sharing” sabiex jiġu protetti l-minuri u jitneħħa kontenut relatat mad-diskors ta' mibegħda; jinnota n-nuqqas ta' referenzi għall-kontenut relatat mal-inċitament għat-terroriżmu; jappella biex tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi evitat il-bullying u l-vjolenza kontra persuni vulnerabbli;

34.

Iqis li r-regoli ta' responsabbiltà għal pjattaformi online għandhom jippermettu l-indirizzar ta' kwistjonijiet relatati ma' kontenut u oġġetti illegali b'mod effiċjenti, pereżempju billi tiġi applikata diliġenza dovuta filwaqt li jinżamm approċċ bilanċjat u li jirrispetta l-innovazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefinixxi u tiċċara aktar il-proċeduri ta' avviż u tneħħija u tipprovdi gwida dwar miżuri volontarji bl-għan li jindirizzaw tali kontenut;

35.

Jenfasizza l-importanza li tittieħed azzjoni kontra t-tixrid ta' aħbarijiet foloz; jistieden lill-pjattaformi online jipprovdu lill-utenti b'għodod biex jiddenunzjaw aħbarijiet foloz b'tali mod li utenti oħra jkunu jistgħu jiġu mgħarrfa li l-veraċità tal-kontenut tkun ġiet ikkontestata; jirrimarka, fl-istess waqt, li l-iskambju ħieles tal-opinjonijiet huwa fundamentali għad-demokrazija u li d-dritt għall-privatezza japplika wkoll fil-qasam tal-media soċjali; jenfasizza l-valur tal-istampa ħielsa fir-rigward tal-għoti ta' informazzjoni affidabbli liċ-ċittadini;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza fil-fond is-sitwazzjoni attwali u l-qafas legali fir-rigward tal-aħbarijiet foloz, u tivverifika l-possibbiltà ta' intervent leġiżlattiv biex jiġu limitati d-disseminazzjoni u t-tixrid ta' kontenut falz;

37.

Jenfasizza l-ħtieġa li pjattaformi online li jiġġieldu kontra l-oġġetti u l-kontenut illegali u l-prattiki inġusti (pereżempju, il-bejgħ mill-ġdid ta' biljetti tad-divertiment bi prezzijiet esaġerati), permezz ta' miżuri regolatorji kkomplementati b'miżuri awtoregolatorji effikaċi (pereżempju, permezz ta' termini ċari ta' użu u mekkaniżmi xierqa sabiex jiġu identifikati r-reċidivi, jew permezz tat-twaqqif ta' timijiet speċjalizzati li jimmoderaw il-kontenut u jittraċċaw prodotti perikolużi) jew miżuri ibridi;

38.

Jilqa' l-Kodiċi ta' Kondotta dwar id-Diskors Illegali ta' Mibegħda għall-industrija, li ntlaħaq qbil dwaru fl-2016 u li ġie appoġġjat mill-Kummissjoni, u jitlob lil din tal-aħħar tiżviluppa mezzi adegwati u raġonevoli għal pjattaformi online biex jidentifikaw u jneħħu l-oġġetti u l-kontenut illegali;

39.

Jemmen li l-konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni (NIS) hija essenzjali fir-rigward tas-sjieda tad-data; jinnota li l-utenti spiss ikollhom inċentivi biex jaqsmu d-data personali tagħhom ma' pjattaformi online; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-utenti jiġu infurmati dwar in-natura eżatta tad-data miġbura u l-modi kif se tintuża; jissottolinja li huwa essenzjali għall-utenti li jkollhom kontroll fuq il-ġbir u l-użu tad-data personali tagħhom; jenfasizza li għandu jkun hemm ukoll l-għażla li d-data personali ma tiġix kondiviża; jinnota li r-regola tad-“dritt li jkun minsi” tapplika wkoll għal pjattaformi online; jistieden lill-pjattaformi online jiżguraw li l-anonimità hija garantita meta partijiet terzi jittrattaw data personali;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkonkludi malajr ir-rieżami tagħha tal-ħtieġa għal proċeduri formali ta' avviż u azzjoni bħala mezz promettenti kif jissaħħaħ ir-reġim ta' responsabbiltà b'mod armonizzat madwar l-UE kollha;

41.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippreżenta kemm jista' jkun malajr il-gwida prattika tagħha dwar is-sorveljanza tas-suq ta' prodotti mibjugħa online;

Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi

42.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi bejn fornituri tas-servizz ta' pjattaformi online u servizzi oħra li magħhom jikkompetu, inklużi B2B u C2C; jenfasizza li ċ-ċertezza regolatorja hija essenzjali biex tinħoloq ekonomija diġitali ta' suċċess; jinnota li l-pressjoni kompetittiva tvarja bejn setturi differenti u bejn atturi differenti fi ħdan is-setturi; ifakkar għaldaqstant li soluzzjonijiet universali rarament huma xierqa; iqis li kwalunkwe soluzzjoni jew miżura regolatorja mfassla apposta proposta għandha tqis il-karatteristiċi speċifiċi ta' pjattaformi sabiex tiżgura l-kompetizzjoni ġusta fuq bażi ugwali;

43.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-daqs ta' pjattaformi online jvarja minn kumpaniji multinazzjonali għal mikrointrapriżi; jenfasizza l-importanza ta' kompetizzjoni ġusta u effikaċi bejn pjattaformi online biex tkun promossa l-għażla tal-konsumatur u jkun evitat il-ħolqien ta' monopolji jew pożizzjonijiet dominanti li jwasslu għal distorsjonijiet fis-swieq permezz tal-abbuż tal-poter tas-suq; jisħaq fuq il-fatt li l-iffaċilitar ta' bdil bejn pjattaformi online jew servizzi online hija miżura essenzjali biex jiġu evitati l-fallimenti tas-suq u biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta' intrappolament;

44.

Jinnota li pjattaformi online qed ibiddlu l-mudell tan-negozju tradizzjonali li huwa regolat ħafna; jissottolinja li riformi possibbli tal-qafas regolatorju eżistenti għandhom jikkonċentraw fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli u t-tnaqqis tal-frammentazzjoni regolatorja, sabiex jiżguraw suq miftuħ u kompetittiv għall-pjattaformi online filwaqt li jiggarantixxu standards għoljin ta' protezzjoni għall-konsumatur; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda u li jitkomplew il-proċess REFIT u l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar; jenfasizza l-importanza tan-newtralità teknoloġika u tal-koerenza bejn ir-regoli li japplikaw kemm online kif ukoll offline f'sitwazzjonijiet ekwivalenti safejn hu meħtieġ u possibbli; jenfasizza li ċ-ċertezza regolatorja trawwem il-kompetizzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni;

45.

Jissottolinja l-importanza tal-investiment fl-infrastruttura kemm f'żoni urbani kif ukoll rurali; jenfasizza li kompetizzjoni ġusta tiżgura l-investiment f'servizzi ta' broadband b'veloċità għolja u ta' kwalità; jisħaq fuq il-fatt li aċċess affordabbli għal infrastruttura affidabbli b'veloċità għolja, bħal konnessjonijiet u telekomunikazzjonijiet veloċi ħafna, kif ukoll l-użu sħiħ tagħha, irawmu l-forniment u l-użu tas-servizzi tal-pjattaformi online; jenfasizza l-ħtieġa għan-newtralità tal-internet u aċċess ġust u nondiskriminatorju għal pjattaformi online bħala prerekwiżit għall-innovazzjoni u suq verament kompetittiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissemplifika l-iskemi ta' finanzjament għal inizjattivi relatati li jiffaċilitaw il-proċess ta' diġitalizzazzjoni, sabiex tuża l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u Orizzont 2020 (H2020) u l-kontribuzzjonijiet mill-baġits nazzjonali tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-potenzjal ta' sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) u l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (ITK);

46.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-istabbiliment ta' approċċ armonizzat għad-dritt ta' rettifika, id-dritt ta' kontrotalba u d-dritt ta' awtokontroll għall-utenti tal-pjattaformi;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni toħloq kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tat-talbiet għad-danni kontra pjattaformi minħabba ċ-ċirkolazzjoni ta' fatti dispreġjattivi li joħolqu ħsara persistenti lill-utent;

L-għoti ta' informazzjoni u setgħa liċ-ċittadini u lill-konsumaturi

48.

Jissottolinja li l-internet tal-ġejjieni ma jistax jikseb suċċess mingħajr il-fiduċja tal-utenti fil-pjattaformi online, mingħajr aktar trasparenza, kundizzjonijiet ekwi, protezzjoni tad-data personali, kontroll aħjar ta' sistemi ta' reklamar u sistemi awtomatizzati oħrajn, u pjattaformi online li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni applikabbli kollha u l-interessi leġittimi tal-utenti;

49.

Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġbir u l-użu tad-data, u jqis li l-pjattaformi online jridu jwieġbu b'mod adegwat għat-tħassib tal-utenti billi jintalab debitament il-kunsens tagħhom skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u billi jiġu infurmati b'mod iktar effikaċi u ċar dwar liema data personali qed tinġabar u kif qed titqassam u tiġi użata skont il-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE, filwaqt li tinżamm il-possibbiltà li jiġi rtirat il-kunsens għal dispożizzjonijiet individwali mingħajr ma jintilef l-aċċess komplet għal servizz;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom fl-ambjent diġitali; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni korretta tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, filwaqt li tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' “privatezza fid-disinn u b'mod awtomatiku”;

51.

Jinnota l-importanza li jiġu ċċarati l-kwistjonijiet ta' aċċess għad-data, ta' sjieda tad-data u r-responsabbiltà marbuta magħha, u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta ulterjorment il-qafas regolatorju attwali fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet;

52.

Jissottolinja li n-natura transfruntiera ta' pjattaformi online tirrappreżenta vantaġġ enormi fl-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, iżda tirrikjedi wkoll li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali; jitlob lis-servizzi u l-mekkaniżmi eżistenti għall-protezzjoni tal-konsumatur jikkollaboraw u jipprovdu protezzjoni tal-konsumatur effiċjenti fir-rigward tal-attivitajiet ta' pjattaformi online; jinnota wkoll l-importanza tar-Regolament dwar l-Infurzar u l-Kooperazzjoni Transfruntiera f'dan ir-rigward; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tivvaluta kwalunkwe ħtieġa addizzjonali li jiġu aġġornati r-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward ta' pjattaformi, bħala parti mill-kontroll REFIT tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni fl-2017;

53.

Iħeġġeġ lill-pjattaformi online joffru lill-klijenti termini u kundizzjonijiet ċari, komprensivi u ġusti u jiżguraw modi faċli għall-utent ta' kif għandhom jiġu ppreżentati t-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, jiġu pproċessati d-data, il-garanziji legali u kummerċjali u l-ispejjeż possibbli, filwaqt li tiġi evitata t-terminoloġija kumplessa sabiex jissaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur u l-fiduċja u l-fehim tad-drittijiet tal-konsumatur, peress li dan huwa kruċjali għal pjattaformi online biex jirnexxu;

54.

Jirrimarka li standards għoljin ta' protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-pjattaformi online mhumiex meħtieġa biss fi prattiki B2B iżda anke f'relazzjonijiet C2C;

55.

Jitlob li ssir valutazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali u tal-mekkaniżmi ta' awtoregolamentazzjoni sabiex jiġi determinat jekk jipprovdux protezzjoni adegwata lill-utenti, lill-konsumaturi u lin-negozji fl-isfond tan-numru dejjem jiżdied ta' lmenti u l-investigazzjonijiet miftuħa mill-Kummissjoni fil-konfront ta' diversi pjattaformi;

56.

Jenfasizza l-importanza li l-utenti jingħataw tagħrif ċar, imparzjali u trasparenti dwar il-kriterji użati biex jiffiltraw, jikklassifikaw, jisponsorizzaw, jippersonalizzaw jew jagħmlu rieżami tal-informazzjoni ppreżentata lilhom; jissottolinja l-ħtieġa għal differenzjazzjoni ċara bejn il-kontenut sponsorjat u kwalunkwe kontenut ieħor;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza ċerti kwistjonijiet tas-sistemi ta' rieżami tal-pjattaformi, bħal rieżamijiet foloz jew tħassir ta' rieżamijiet negattivi, bl-għan li jiksbu vantaġġ kompetittiv; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsiru rieżamijiet aktar affidabbli u utli għall-konsumaturi u li jiġi żgurat li l-pjattaformi jirrispettaw l-obbligi eżistenti u jieħdu miżuri f'dan ir-rigward kontra prattiki bħal skemi volontarji; jilqa' l-gwida dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa għal kriterji u limiti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li bihom pjattaformi online jistgħu jsiru soġġetti għal aktar sorveljanza tas-suq, u biex tipprovdi gwida għal pjattaformi online bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-konformità tagħhom ma' obbligi u linji gwida eżistenti f'waqthom, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tal-konsumaturi u r-regoli tal-kompetizzjoni;

59.

Jenfasizza li d-drittijiet tal-awturi u l-kreaturi jridu jiġu protetti wkoll fl-era diġitali, u jfakkar fl-importanza tal-industrija kreattiva għall-impjiegi u l-ekonomija tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta d-Direttiva attwali dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (9), sabiex tevita l-użu ħażin intenzjonali ta' proċessi ta' rappurtar u tiżgura li l-atturi kollha fil-katina tal-valur, inklużi intermedjarji bħall-fornituri tas-servizzi tal-internet, ikunu jistgħu jiġġieldu b'mod aktar effikaċi kontra l-falsifikazzjoni, billi jieħdu miżuri attivi, proporzjonati u effikaċi sabiex jiżguraw it-traċċabbiltà u jevitaw il-promozzjoni u d-distribuzzjoni ta' oġġetti foloz, peress li l-falsifikazzjoni tirrappreżenta riskju għall-konsumaturi;

60.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit mill-ġdid bilanċ fil-kondiviżjoni tal-valur għall-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari fuq pjattaformi li jqassmu kontenut awdjoviżiv protett;

61.

Jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-pjattaformi u d-detenturi tad-drittijiet sabiex tiġi żgurata l-awtorizzazzjoni xierqa tad-drittijiet u jiġi miġġieled il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali online; ifakkar li ksur bħal dan jista' jikkostitwixxi kwistjoni serja, mhux biss għall-kumpaniji imma wkoll għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi, li jridu jsiru konxji mir-realtà tal-kummerċ illeċitu fi prodotti foloz; itenni, għalhekk, is-sejħa tiegħu għall-applikazzjoni tal-approċċ “segwi l-flus” b'servizzi ta' pagament rilevanti, sabiex il-falsifikaturi jitteħdulhom il-mezzi li bihom ikomplu bl-attività ekonomika tagħhom; jissottolinja li reviżjoni tad-Direttiva attwali dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali tista' sservi bħala mezz adatt biex jiġi żgurat livell għoli ta' kooperazzjoni bejn il-pjattaformi, l-utenti u l-atturi ekonomiċi l-oħra kollha, flimkien mal-applikazzjoni korretta tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku;

62.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-pjattaforma li kienet ġiet imnedija biex issolvi tilwim li jinvolvi x-xiri li jsir online fost il-konsumaturi, sabiex ittejjeb il-mod li bih tkun aktar faċli biex tintuża mill-utenti, u timmonitorja jekk in-negozjanti jikkonformawx mal-obbligu tagħhom li jpoġġu link għal dik il-pjattaforma fuq is-sit web tagħhom, sabiex ikomplu jindirizzaw l-għadd dejjem jikber ta' lmenti kontra diversi pjattaformi online;

Iż-żieda fil-fiduċja online u t-trawwim tal-innovazzjoni

63.

Jissottolinja li l-infurzar effikaċi tal-protezzjoni tad-data u tad-drittijiet tal-konsumatur fis-swieq online skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva dwar iċ-Ċibersigurtà huma azzjonijiet prijoritarji, kemm għall-politika pubblika kif ukoll għan-negozji, fir-rigward taż-żieda fil-fiduċja; jenfasizza li l-protezzjoni tal-konsumaturi u tad-data tirrikjedi varjetà ta' miżuri u mezzi tekniċi fl-oqsma tal-privatezza online, is-sigurtà tal-internet u ċ-ċibersigurtà; jissottolinja l-importanza tat-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġbir ta' data u s-sigurtà tal-pagamenti;

64.

Jinnota li l-pagamenti online joffru livell għoli ta' trasparenza li jgħin biex jipproteġi d-drittijiet tal-konsumaturi u tal-intraprendituri u jimminimizza r-riskji ta' frodi; jilqa' wkoll il-metodi ta' pagament ġodda, innovattivi u alternattivi, bħall-muniti virtwali u l-portafolji elettroniċi; jinnota li t-trasparenza tiffaċilita t-tqabbil tal-prezzijiet u l-ispejjeż tat-tranżazzjoni u żżid it-traċċabbiltà ta' tranżazzjonijiet ekonomiċi;

65.

Jenfasizza li ambjent ġust, prevedibbli u li jiffavorixxi l-innovazzjoni, kif ukoll investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u fit-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, huma kruċjali biex jiġu ġġenerati ideat ġodda u innovazzjonijiet; jissottolinja l-importanza ta' data miftuħa u standards miftuħin għall-iżvilupp ta' pjattaformi online ġodda u l-innovazzjoni; ifakkar li r-rieżami tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Informazzjoni tas-Servizz Pubbliku (10) huwa mistenni fl-2018; jinnota li pjattaformi għall-ittestjar miftuħa, avvanzati u kondiviżi u interfaces ta' programmar jistgħu jkunu ta' vantaġġ għall-Ewropa;

66.

Jenfasizza l-importanza ta' approċċ impenjat, mill-Kummissjoni u b'mod partikolari mill-Istati Membri, lejn l-iżvilupp ta' ħiliet diġitali, sabiex jifformaw forza tax-xogħol b'livell għoli ta' ħiliet, peress li din hija kundizzjoni biex jiġi żgurat livell għoli ta' impjieg b'kundizzjonijiet ġusti fl-UE kollha filwaqt li jintemm l-illitteriżmu diġitali li jrawwem id-diviżjoni diġitali u l-esklużjoni diġitali; jissottolinja, għaldaqstant, li l-iżvilupp u t-titjib tal-ħiliet diġitali huma imperattivi u jirrikjedu investimenti kbar fl-edukazzjoni u fit-tagħlim tul il-ħajja;

67.

Iqis li jenħtieġ li l-pjattaformi li fuqhom huwa maħżun u mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku volum sinifikanti ta' xogħlijiet protetti jikkonkludu l-ftehimiet ta' liċenzja mad-detenturi tad-drittijiet rilevanti, sakemm ma jkunux attivi u għalhekk koperti mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, bl-għan li ssir kondiviżjoni ġusta tal-profitt mal-awturi, il-kreaturi u d-detenturi tad-drittijiet rilevanti; jissottolinja li tali ftehimiet tal-liċenzji u l-implimentazzjoni tagħhom iridu jirrispettaw l-eżerċizzju tal-utenti tad-drittijiet fundamentali tagħhom;

Ir-rispett tar-relazzjonijiet B2B u tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE

68.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tiġi infurzata aħjar il-liġi dwar il-kompetizzjoni fid-dinja diġitali, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu deċiżjonijiet f'waqthom f'każijiet ta' kompetizzjoni fid-dawl tal-pass mgħaġġel fis-settur diġitali; jinnota, madankollu, li f'xi aspetti l-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi aġġustata għad-dinja diġitali sabiex tkun adattata għal dan l-iskop;

69.

Jinsab imħasseb dwar il-prattiki kummerċjali B2B problematiċi u inġusti minn xi pjattaformi online, bħal nuqqas ta' trasparenza (pereżempju, fir-riżultati tat-tiftix, l-użu tad-data jew l-ipprezzar), bidliet unilaterali fit-termini u l-kundizzjonijiet, il-promozzjoni tar-reklamar jew ir-riżultati sponsorjati filwaqt li titnaqqas il-viżibbiltà tar-riżultati mhux imħallsa, termini u kundizzjonijiet inġusti possibbli, pereżempju, f'soluzzjonijiet ta' pagament u abbużi possibbli fir-rwol doppju ta' pjattaformi bħala intermedjarji u kompetituri; jinnota li dan ir-rwol doppju jista' joħloq inċentivi ekonomiċi biex il-pjattaformi online jiddiskriminaw favur il-prodotti u s-servizzi tagħhom stess u jimponu termini B2B diskriminatorji; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa f'dan ir-rigward;

70.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas leġiżlattiv favur it-tkabbir, favur il-konsumatur u mmirat lejn relazzjonijiet B2B ibbażati fuq il-prinċipji ta' prevenzjoni tal-abbuż tas-saħħa fis-suq u jiġi żgurat li l-pjattaformi li jservu bħala passaġġ għal suq downstream ma jsirux gwardjani; iqis li dan il-qafas jenħtieġ li jservi biex jevita l-effetti detrimentali għall-benessri tal-konsumatur u jippromwovi l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni; jirrakkomanda wkoll li dan il-qafas ikun teknoloġikament newtrali u kapaċi jindirizza r-riskji eżistenti, pereżempju fir-rigward tas-suq għal sistema operatorja mobbli iżda anke riskji futuri b'teknoloġiji ġodda mmexxija mill-internet bħall-internet tal-oġġettijew intelliġenza artifiċjali, li se jikkonsolidaw aktar il-pożizzjoni tal-pjattaformi stabbiliti aktar u aktar fin-nofs bejn in-negozji u l-konsumaturi online;

71.

Jilqa' l-eżerċizzju tal-ġbir ta' informazzjoni mmirat lejn il-prattiki B2B li għandu jitwettaq mill-Kummissjoni sar-rebbiegħa tal-2017, u jħeġġeġ li jittieħdu passi effikaċi biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta;

72.

Jissottolinja li l-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE kif ukoll l-awtoritajiet jeħtieġu li fejn xieraq jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwi, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur u kwistjonijiet relatati mat-taxxa;

73.

Jinnota r-rivelazzjonijiet reċenti li jinvolvu, fost elementi oħrajn, il-kumpaniji diġitali kbar u l-prattiki tagħhom ta' ppjanar tat-taxxa fl-UE; jilqa' b'rabta ma' dan, l-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex jiġi miġġieled l-evitar tat-taxxa, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipproponu riformi ulterjuri biex jiġu evitati prattiki għall-evitar tat-taxxa fl-UE; jitlob li tittieħed azzjoni sabiex tiżgura li l-kumpaniji kollha, inklużi dawk diġitali, iħallsu t-taxxi tagħhom fl-Istati Membri fejn isiru l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom;

74.

Jiġbed l-attenzjoni għad-differenzi fix-xena legali fit-28 Stat Membru u l-ispeċifiċitajiet tas-settur diġitali li fih il-preżenza fiżika ta' kumpanija fil-pajjiż tas-suq ħafna drabi mhijiex meħtieġa; jistieden lill-Istati Membri jadattaw is-sistemi tagħhom tal-VAT skont il-prinċipju tal-pajjiż tad-destinazzjoni (11);

Ir-rwol tal-UE fid-dinja

75.

Jirrimarka li l-preżenza tal-UE fis-suq dinji hija sfortunatament baxxa, b'mod partikolari minħabba l-frammentazzjoni attwali tas-suq diġitali, l-inċertezza legali u n-nuqqas ta' finanzjament u kapaċità sabiex jiġu kummerċjalizzati l-innovazzjonijiet teknoloġiċi, li jagħmilha diffiċli għall-kumpaniji Ewropej biex isiru mexxejja dinjija u biex jikkompetu mal-parteċipanti fil-bqija tad-dinja f'din l-ekonomija ġdida u globalment kompetittiva; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' ambjent għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu li jrawwem l-iżvilupp u l-ħolqien ta' impjiegi lokali;

76.

Jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej jiżguraw kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi tal-UE u dawk mhux tal-UE, pereżempju fir-rigward tat-tassazzjoni u kwistjonijiet simili;

77.

Jemmen li l-UE għandha l-potenzjal li ssir parteċipant ewlieni fis-suq diġitali, u jikkunsidra li jenħtieġ li twitti t-triq għal klima favur l-innovazzjoni fl-Ewropa billi tiżgura qafas legali rigoruż li jipproteġi lill-partijiet interessati kollha;

o

o o

78.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2017)0052.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0009.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2017)0010.

(4)  ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1.

(5)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(6)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(7)  ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.

(8)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 119.

(9)  Direttiva 2004/48/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).

(10)  Direttiva 2003/98/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90).

(11)  Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016, “Lejn sistema definittiva ta' VAT u l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT” (Testi adottati, P8_TA(2016)0453).


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/146


P8_TA(2017)0273

Is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (2017/2727(RSP))

(2018/C 331/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tal-25 ta' Frar 2016 (1) dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen u tad-9 ta' Lulju 2015 (2) dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar il-Jemen,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' Ottubru 2016 dwar l-attakk fil-Jemen u tad-19 ta' Ottubru 2016 dwar il-waqfien mill-ġlied fil-Jemen,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen, b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 2216 (2015), 2201 (2015) u 2140 (2014),

wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen li saret fil-25 ta' April 2017 f'Ġinevra,

wara li kkunsidra t-talba mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sanzjonijiet internazzjonali, Idriss Jazairy, tat-12 ta' April 2017, biex jitneħħa l-imblokk navali fuq il-Jemen,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, tal-10 ta' Ottubru 2016 dwar l-attakk faħxi fuq funeral fil-Jemen, tal-10 ta' Frar 2017 dwar il-persuni ċivili fil-Jemen maqbuda bejn il-partijiet fil-kunflitt, u tal-24 ta' Marzu 2017 dwar aktar minn 100 persuna ċivili maqtula f'xahar, inklużi sajjieda u rifuġjati, hekk kif il-kunflitt fil-Jemen għalaq sentejn;

wara li kkunsudra d-dikjarazzjonijiet tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, tal-21 ta' Ottubru u d-19 ta' Novembru 2016 u tat-30 ta' Jannar 2017,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi s-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen hija katastrofika; billi, fi Frar 2017, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) iddikjarat li s-sitwazzjoni fil-Jemen kienet saret “l-akbar emerġenza tas-sigurtà tal-ikel fid-dinja”; billi, minn Mejju 2017, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) iddikjara li 17-il miljun ruħ fil-Jemen kienu jeħtieġu assistenza tal-ikel, filwaqt li 7 miljun ruħ fosthom kienu qed iħabbtu wiċċhom ma' “emerġenza tas-sigurtà tal-ikel”; billi hemm 2,2 miljun tifel u tifla jsofru nuqqas ta' ikel akut u gravi, u billi tifel jew tifla jmutu kull għaxar minuti minħabba kawżi prevenibbli; billi hemm 2 miljun ruħ li sfaw spustati internament u miljun ruħ li ġew rimpatrijati;

B.

billi l-konsegwenzi tal-kunflitt li għaddej huwa devastanti għall-pajjiż u għall-popolazzjoni tiegħu; billi, minkejja l-appelli internazzjonali għal soluzzjoni politika għall-kriżi, il-partijiet fil-kunflitt ma rnexxilhomx jilħqu qbil u l-ġlied għadu għaddej; billi l-ebda naħa ma kisbet rebħa militari u billi mhuwiex probabbli li xi naħa waħda tagħmel dan fil-ġejjieni;

C.

billi, minn Marzu 2015, madwar 10 000 ruħ inqatlu u aktar minn 40 000 ruħ indarbu fil-vjolenza, skont in-NU; billi l-ġlied, kemm fuq l-art kif ukoll fl-ajru, għamilha impossibbli għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) li jibgħat osservaturi biex jidħlu fiż-żona ħalli jivverifikaw l-għadd ta' persuni ċivili midruba u maqtula, b'tali mod li dawn iċ-ċifri jirriflettu biss l-għadd ta' persuni maqtula u midruba li l-OHCHR irnexxielu jikkorrobora u jikkonferma; billi l-infrastruttura u l-istituzzjonijiet ċivili tal-Jemen intlaqtu ħażin ħafna mill-gwerra u kulma jmur qed isiru anqas fil-qagħda li jipprovdu servizzi bażiċi; billi s-sistema tas-saħħa tinsab f'xifer il-kollass u ħaddiema mediċi vitali l-aktar esposti ilhom ma jitħallsu x-xhur;

D.

billi l-Jemen qed iġarrab it-tieni mewġa ta' tfaqqigħa ta' kolera u dijarea maħlula akuta (AWD), li wasslet għal aktar minn 100 000 każ suspettat ta' kolera u qatlet kważi 800 ruħ bejn is-27 ta' April u t-8 ta' Ġunju 2017 madwar il-pajjiż;

E.

billi l-gruppi vulnerabbli, in-nisa u t-tfal huma partikolarment milquta mill-ġlied li għaddej u mill-kriżi umanitarja, u billi s-sikurezza u l-benessri tan-nisa u tat-tfajliet huwa preokkupazzjoni partikolari; billi t-tfal b'mod partikolari huma vulnerabbli għaż-żieda tal-vjolenza fil-Jemen, b'1 540 tifel u tifla maqtula u 2 450 midruba, kif iddokumentat min-NU;

F.

billi, minħabba l-vjolenza, aktar minn 350 000 tifel u tifla ma setgħux jissoktaw l-edukazzjoni tagħhom fis-sena skolastika li għaddiet, biex b'hekk l-għadd ta' tfal li mhumiex qed jattendu l-iskola fil-Jemen laħaq aktar minn 2 miljuni, skont il-UNICEF; billi t-tfal li ma jattendux l-iskola huma f'riskju li jiġu rreklutati biex jiġġieldu;

G.

billi kważi 90 % tal-ikel bażiku fil-pajjiż jiġi importat; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sanzjonijiet internazzjonali enfasizza li l-imblokk mill-ajru u mill-baħar impost fuq il-Jemen mill-forzi tal-koalizzjoni sa minn Marzu 2015 hu fost il-kawżi prinċipali ta' din il-katastrofi umanitarja, hekk kif il-vjolenza fil-pajjiż u l-iskarsezzi mifruxa tal-fjuwil ħarbtu n-netwerks interni tad-distribuzzjoni tal-ikel;

H.

billi Jemen stabbli u sikur, bi gvern li jiffunzjona sew, hu kruċjali għall-isforzi internazzjonali biex jiġu miġġielda l-estremiżmu u l-vjolenza fir-reġjun u lil hinn minnu, kif ukoll għall-paċi u l-istabbiltà fil-Jemen stess;

I.

billi s-sitwazzjoni fil-Jemen iġġorr magħha riskji serji għall-istabbiltà tar-reġjun, b'mod partikolari dik tal-Qarn tal-Afrika, tal-Baħar l-Aħmar u tar-reġjun usa' tal-Lvant Nofsani; billi l-grupp Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) irnexxielu japprofitta mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà fil-Jemen, hekk li firex il-preżenza tiegħu u kabbar l-għadd u l-iskala tal-attakki terroristiċi tiegħu; billi l-AQAP u l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (ISIS)/Da'esh stabbilixxa l-preżenza tiegħu fil-Jemen u wettaq attakki terroristiċi, li qatlu mijiet ta' persuni;

J.

billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016, il-Parlament appella għal inizjattiva intiża biex timponi embargo tal-UE fuq l-armi fil-konfront tal-Arabja Sawdija, fi qbil mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008;

K.

billi forzi sew tal-Houthi u sew tal-alleati t-tnejn li huma ġew akkużati li wettqu vjolazzjonijiet gravi tal-liġijiet tal-gwerra billi firxu mini antipersuna projbiti, immaltrattaw lil persuni detenuti u għamlu attakki indiskriminati bil-missili fuq żoni popolati fil-Jemen u fin-Nofsinhar tal-Arabja Sawdija;

L.

billi l-ammont totali tal-finanzjament umanitarju tal-UE lill-Jemen għall-2015 u l-2016 laħaq is-somma ta' EUR 120 miljun; billi l-ammont allokat ta' għajnuna fl-2017 huwa ta' EUR 46 miljun; billi minkejja l-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen f'Ġinevra, ta' April 2017 – li matulha bosta pajjiżi u organizzazzjonijiet wiegħdu donazzjonijiet għall-valur ta' USD 1,1 biljun – sad-9 ta' Mejju 2017, id-donaturi kienu taw biss 28 % mill-USD 2,1 biljun f'għajnuna umanitarja mitluba min-NU għall-Jemen għall-2017; bili huwa mistenni li s-somma addizzjonali ta' EUR 70 miljun tiġi mmobilizzata fl-2017 bħala għajnuna għall-iżvilupp;

1.

Jesprimi tħassib serju dwar id-deterjorament allarmanti tas-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, li hija kkaraterizzata minn nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u malnutrizzjoni gravi, attakki indiskriminati kontra persuni ċivili u ħaddiema mediċi u tal-għajnuna, il-qerda ta' infrastruttura ċivili u medika, il-kontinwazzjoni ta' attakki mill-ajru, ġlied fuq l-art u bumbardameni tal-artillerija, minkejja appelli ripetuti għal tiġdid tal-waqfien mill-ġlied;

2.

Jiddispjaċih profondament għat-telf ta' ħajja kkawżat mill-kunflitt u għas-sofferenza ta' dawk li sfaw maqbuda fil-ġlied, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; itenni l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lill-Jemen u lill-poplu Jemenit; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jaħdmu għal waqfien immedjat mill-ġlied u jerġgħu lura għall-mejda tan-negozjati; itenni l-appoġġ tiegħu għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Jemen;

3.

Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-kontinwazzjoni tal-attakki mill-ajru u l-ġlied fuq l-art wasslu għal eluf ta' mwiet ta' persuni ċivili, għal spostamenti u għat-telf ta' mezzi tal-għajxien li jkomplu jipperikolaw aktar ħajjiet, komplew jiddestabilizzaw lill-Jemen, qed jeqirdu l-infrastruttura fiżika tal-pajjiż, ħolqu instabbiltà li sfruttawha organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti bħall-ISIS/Da'esh u l-AQAP, u aggravaw sitwazzjoni umanitarja li diġà kienet kritika;

4.

Jikkundanna bl-akbar qawwa kull attakk terroristiku u kull vjolenza kontra persuni ċivili, inklużi bumbardamenti, l-użu ta' munizzjonijiet dispersivi, rokits, bumbardamenti bl-artillerija, sparar minn tiraturi u attakki bil-missili, u l-użu rrappurtat ta' mini antipersuna kif ukoll l-attakki li jikkawżaw il-qerda ta' infrastruttura ċivili, inklużi skejjel, faċilitajiet mediċi, żoni residenzjali, swieq, sistemi tal-ilma, portijiet u ajruporti;

5.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Jemen jerfa' r-responsabbiltajiet tiegħu fil-ġlieda kontra l-ISIS/Da'esh u l-AQAP, li qed jisfruttaw l-instabbiltà attwali; ifakkar li l-atti kollha ta' terroriżmu huma kriminali u inġustifikabbli, tkun xi tkun il-motivazzjoni tagħhom u jitwettqu meta, fejn u minn min jitwettqu; jenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha fil-kunflitt jieħdu azzjoni deċiża kontra dawn il-gruppi li l-attivitajiet tagħhom jirrappreżentaw theddida gravi għal soluzzjoni nnegozjata u għas-sigurtà fir-reġjun u lil hinn minnu;

6.

Itenni l-appell tiegħu lin-naħat kollha u lis-sostenituri reġjonali u internazzjonali tagħhom biex jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċivili u joqogħdu lura milli jimmiraw direttament lejn l-infrastruttura ċivili, b'mod partikolari l-faċilitajiet mediċi u s-sistemi tal-ilma; ifakkar li l-mira deliberata fuq il-persuni ċivili u fuq l-infrastruttura ċivili, inklużi l-isptarijiet u l-persunal mediku, tammonta għal vjolazzjoni serja tad-dritt umanitarju internazzjonali; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tagħmel provvediment għall-prosekuzzjoni kriminali internazzjonali tal-persuni responsabbli għall-vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali mwettqa fil-Jemen; jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-appell mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al-Hussein, għat-twaqqif ta' korp internazzjonali indipendenti li jagħmel investigazzjoni komprensiva dwar id-delitti mwettqa fil-kunflitt fil-Jemen; jenfasizza li biex tinkiseb soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt, huwa indispensabbli li l-perpetraturi tal-vjolazzjonijiet jagħtu kont ta' għemilhom;

7.

Ifakkar li ma ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt fil-Jemen u li l-kriżi tista' tissolva biss permezz ta' proċess ta' negozjati inklussiv u mmexxi mill-Jemeniti, li jkun jinvolvi lill-partijiet kollha kkonċernati u bil-parteċipazzjoni sħiħa u sinifikattiva tan-nisa, u li jwassal għal soluzzjoni politika inklussiva; itenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jiffaċilitaw l-issoktar tan-negozjati, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt jirreaġixxu b'mod kostruttiv għal dawn l-isforzi u bla ma jiffissaw prekundizzjonijiet għalihom; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, bħalma huma passi immedjati lejn waqfien mill-ġlied sostenibbli, mekkaniżmu għall-irtirar tal-forzi taħt il-monitoraġġ tan-NU, il-faċilitazzjoni ta' aċċess umanitarju u kummerċjali u l-ħelsien ta' priġunieri politiċi, hija essenzjali biex tiffaċilita r-ritorn għar-rotta politika;

8.

Iħeġġeġ lill-Arabja Sawdija u lill-Iran jaħdmu biex itejbu r-relazzjonijiet bilaterali, u jfittxu li jaħdmu flimkien biex itemmu l-ġlied fil-Jemen;

9.

Jappoġġja l-appell tal-UE lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa kollha ħalli jipprevjenu u jirrispondu għall-forom kollha ta' vjolenza, inklużi l-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru, f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat; jikkundanna bil-qawwa l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tat-tfal u jinsab imħasseb dwar l-aċċess limitat tat-tfal għal kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni, anki bażiċi; jikkundanna r-reklutaġġ tat-tfal suldati u l-użu tagħhom fil-ġlied; jitlob li l-UE u l-komunità internazzjonali jappoġġjaw ir-riabilitazzjoni u reintegrazzjoni tat-tfal demobilizzati fil-komunità;

10.

Jitlob lill-partijiet kollha fil-kunflitt jaħdmu biex iwarrbu l-ostakoli loġistiċi u finanzjarji kollha li jaffettwaw l-importazzjoni u t-tqassim ta' provvisti ta' ikel u mediċini lill-persuni ċivili fil-bżonn; iħeġġeġ lill-partijiet, b'mod partikolari, jiżguraw il-funzjonament sħiħ u effettiv tal-punti ta' dħul tal-kummerċ maġġuri, bħalma huma l-portijiet ta' Hodeida u Aden; jisħaq fuq l-importanza tagħhom bħala punti vitali għall-appoġġ umanitarju u għad-dħul ta' provvisti essenzjali; jitlob li l-ajruport ta' Sana'a jerġa' jinfetaħ għat-titjiriet kummerċjali biex mediċini u prodotti bażiċi meħtieġa b'mod urġenti jkunu jistgħu jaslu bl-ajru u l-Jemeniti li jkollhom bżonn trattament mediku jkunu jistgħu jittieħdu barra mill-pajjiż bl-ajru;

11.

Jitlob li l-Kunsill jippromwovi b'mod effikaċi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif previst fil-linji gwida rilevanti tal-UE; itenni, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha tal-UE japplikaw strettament ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK dwar l-esportazzjoni tal-armi; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016;

12.

Jenfasizza li huwa importanti li l-awtoritajiet lokali jiġu abilitati u li tinbena l-kapaċità tagħhom għall-provvista tas-servizzi, kif ukoll li d-dijaspora Jemenita u l-NGOs internazzjonali jiġu involuti fl-appoġġ ta' setturi ta' servizzi kritiċi; jissottolinja, b'mod partikolari, il-bżonn urġenti li l-UE u atturi internazzjonali oħra jindirizzaw it-tifqigħa tal-kolera u jappoġġjaw is-sistema tas-saħħa biex ma jħalluhiex tikkrolla, inkluż billi jiffaċilitaw il-provvisti u l-ħlas tas-salarji għall-ħaddiema mediċi l-aktar esposti u li huma ta' importanza kritika għar-rispons umanitarju;

13.

Jilqa' l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma lesti jintensifikaw l-għajnuna umanitarja lill-popolazzjoni fil-pajjiż kollu biex jindirizzaw il-ħtiġijiet li qed jiżdiedu u jimmobilizzaw l-assistenza tagħhom għall-iżvilupp biex tiffinanzja proġetti f'setturi kruċjali; jilqa' l-impenji li saru waqt il-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen u jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja kkoordinata taħt it-tmexxija tan-NU biex ittaffi t-tbatija tal-poplu tal-Jemen; ikompli jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jwettqu l-impenji li għamlu fil-konferenza tad-donaturi biex jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji;

14.

Jitlob li l-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tipproponi b'urġenza strateġija integrata tal-UE għall-Jemen u ġġedded l-isforzi favur inizjattiva ta' paċi għall-Jemen taħt l-awspiċji tan-NU; jitlob, f'dan ir-rigward, li jinħatar rappreżentant speċjali tal-UE għall-Jemen;

15.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Gvern tal-Jemen.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0066.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2015)0270.


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/150


P8_TA(2017)0274

L-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-fondazzjonijiet politiċi f'livell Ewropew (2017/2733(RSP))

(2018/C 331/21)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi transnazzjonali jgħinu fl-iżvilupp ta' sensibilizzazzjoni politika Ewropea usa' u fl-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni;

B.

billi l-finanzjament tal-partiti u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jenħtieġ li jappoġġja l-attivitajiet politiċi skont il-prinċipji tal-Unjoni u jenħtieġ li jkun trasparenti u li ma jkunx miftuħ għall-abbuż;

C.

billi l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jistabbilixxi l-ħolqien, mill-1 ta' Settembru 2016, ta' Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej bil-kompitu li tiddeċiedi jekk ir-reġistrazzjoni u d-dereġistrazzjoni tal-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ikunux konformi mal-proċeduri u l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regolament;

1.

Jiddispjaċih dwar il-bosta nuqqasijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, speċjalment fir-rigward tal-livell ta' kofinanzjament (riżorsi proprji), u tal-possibbiltà ta' sħubija multipartitika tal-Membri tal-Parlament Ewropew;

2.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn in-nuqqasijiet kollha u tipproponi reviżjoni tar-regolament mill-aktar fis possibbli;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Parlament Ewropew

L-Erbgħa 14 ta’ Ġunju 2017

18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/151


P8_TA(2017)0257

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Rolandas Paksas

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Rolandas Paksas (2016/2070(IMM))

(2018/C 331/22)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Rolandas Paksas, mibgħuta fl-31 ta' Marzu 2016 mill-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Litwanja u mħabbra fis-seduta plenarja fit-13 ta' April 2016,

wara li sema' lil Rolandas Paksas skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kellu skambju ta' fehmiet mal-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja u mal-Kap Prosekutur tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni tal-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tal-Litwanja,

wara li kkunsidra l-Artikolu 4 tal-Liġi dwar l-istatus u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Membri tal-Parlament Ewropew eletti fir-Repubblika tal-Litwanja,

wara li kkunsidra l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-Seimas,

wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0219/2017),

A.

billi l-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Litwanja talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Rolandas Paksas, b'rabta ma' investigazzjonijiet kriminali;

B.

billi t-talba tal-Prosekutur Ġenerali tirrigwarda suspetti kontra Rolandas Paksas li huwa qabel li jaċċetta tixħima fil-31 ta' Awwissu 2015 biex jinfluwenza l-awtoritajiet pubbliċi u uffiċjali statali fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, ħaġa li tkun tikkostitwixxi reat skont il-Kodiċi Kriminali Litwan;

C.

billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

D.

billi skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, il-Membri tas-Seimas ma jistgħux jinżammu kriminalment responsabbli jew jiġu detenuti, jew b'xi mod ieħor ikollhom il-libertà tagħhom ristretta, mingħajr il-kunsens tas-Seimas;

E.

billi skont l-Artikolu 4 tal-Liġi dwar l-istatus u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Membri tal-Parlament Ewropew eletti fir-Repubblika tal-Litwanja, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu l-istess immunità personali fit-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja bħal Membru tas-Seimas tar-Repubblika tal-Litwanja, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-leġiżlazzjoni tal-UE;

F.

billi skont l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-Seimas, ma jistgħux jinbdew proċedimenti kriminali kontra Membru tas-Seimas, u dak il-Membru ma jistax jiġi arrestat, u ma jistax jiġi ssuġġettat għal xi restrizzjoni oħra tal-libertà personali mingħajr il-kunsens tas-Seimas, ħlief fil-każijiet meta dak il-Membru jinqabad fl-att li jikkommetti reat, (in flagranti), f'liema każ il-Prosekutur Ġenerali jrid minnufih jinforma lis-Seimas b'dan;

G.

billi skont l-Artikolu 5(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru imma hija garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu;

H.

billi l-iskop tal-immunità parlamentari huwa li l-Parlament u l-Membri tiegħu jiġu protetti minn proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li ma jistgħux jiġu separati minn dawk id-dmirijiet;

I.

billi fejn dawn il-proċedimenti ma jikkonċernawx il-qadi tad-dmirijiet ta' Membru, l-immunità għandha titneħħa sakemm ma jkunx jidher li l-intenzjoni wara l-proċedimenti ġudizzjarji tista' tkun li tagħmel ħsara lill-attività politika ta' Membru u għaldaqstant lill-indipendenza tal-Parlament (fumus persecutionis);

J.

billi abbażi ta' informazzjoni estensiva u dettaljata mogħtija f'dan il-każ, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn wieħed għandu jissuspetta li l-proċedimenti relatati ma' Rolandas Paksas huma mmotivati minn intenzjoni li ssir ħsara lill-attività politika tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

K.

billi mhuwiex il-kompitu tal-Parlament Ewropew li jieħu pożizzjoni dwar il-ħtija jew le tal-Membru jew dwar jekk l-atti attribwiti lill-Membru jiġġustifikawx il-ftuħ ta' proċedimenti kriminali, u lanqas li jippronunzja ruħu fuq il-merti relattivi tal-ordinamenti ġuridiċi u ġudizzjarji nazzjonali;

1.

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Rolandas Paksas;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu minnufih lill-awtorità kompetenti fir-Repubblika tal-Litwanja u lil Rolandas Paksas.

(1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/153


P8_TA(2017)0258

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Mylène Troszczynski

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Mylène Troszczynski (2017/2019(IMM))

(2018/C 331/23)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Mylène Troszczynski trażmessa fl-1 ta' Diċembru 2016 mill-Ministru Franċiż għall-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ investigazzjoni ġudizzjarja li qed titmexxa mill-Prosektur Pubbliku ta' Bobigny bl-akkużi ta’ diffamazzjoni pubblika jew inċitazzjoni għal mibegħda jew vjolenza fil-konfront ta’ persuna jew grupp ta’ persuni minħabba l-oriġini tagħhom jew l-appartenenza tagħhom jew le għal etniċità, nazzjon, razza jew reliġjon partikolari, u mħabbra fil-Plenarja tas-16 ta' Jannar 2017,

wara li sema' lil Mylène Troszczynski skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża, hekk kif emendata permezz tal-Liġi Kostituzzjonali Nru 95–880, tal-4 ta’ Awwissu 1995,

wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0218/2017),

A.

billi l-Prosekutur Pubbliku ta' Bobigny talab it-tneħħija tal-immunità ta' Mylène Troszczynski, Membru tal-Parlament Ewropew u Membru tal-Parlament Reġjonali ta’ Picardie, b’rabta mal-proċedimenti marbuta mat-tqegħid fuq il-kont Twitter tagħha fit-23 ta’ Settembru 2015 ta’ stampa ta' nisa lebsin il-velu li jgħatti l-wiċċ kollu li jidhru li qegħdin fil-kju barra l-uffiċċji tas-CAF (Caisse d’allocation familiale – Fond għall-Allokazzjonijiet tal-Familja), akkumpanjata b’kumment “Rosny-sous-bois CAF fid-9.12.14. L-ilbies tal-velu li jgħatti l-wiċċ kollu suppost ipprojbit bil-liġi […]”;

B.

billi l-istampa inkriminanti kienet fil-fatt fotomontaġġ abbażi ta’ ritratt meħud f’Londra u li diġà kienet intużat minn ħaddieħor fuq Twitter u billi l-investigazzjoni żvelat li ma kinitx is-Sinjura Troszczynski li ppubblikat il-messaġġ fuq l-internet, iżda l-assistent tagħha, li stqarr li għamel dan;

C.

billi l-prosekutur pubbliku ġibed l-attenzjoni għall-fatt li bħala l-editur tal-kont Twitter tagħha stess, is-Sinjura Troszczynski setgħet tinżamm responsabbli għat-tweet;

D.

billi meta s-Sinjura Troszczynski indunat li r-ritratt kien iffalsifikat, hija neħħietu mill-ewwel mill-kont tagħha ta' Twitter.

E.

billi t-tneħħija tal-immunità tas-Sinjura Troszczynski hija marbuta ma' reat allegat ta’ diffamazzjoni pubblika fil-konfront ta’ persuna jew grupp ta’ persuni minħabba l-oriġini tagħhom jew l-appartenenza tagħhom jew le għal etniċità, nazzjon, razza jew reliġjon partikolari, u li dan ir-reat huwa punit skont l-Artikoli 23, 29 (1), 32 (2) u (3), 42, 43, 48-6 tal-Liġi tad-29 ta’ Lulju 1881 u tat-twettiq tar-reat ta' provokazzjoni għad-diskriminazzjoni, għall-mibegħda jew il-vjolenza razzjali, is-suġġetti tal-investigazzjoni li għaddejja bħalissa, kif definiti, u li għalihom il-penali huma stabbiliti fl-Artikoli 24(8), (10), (11) u (12), l-Artikolu 23(1) u l-Artikolu 42 tal-Liġi tad-29 ta’ Lulju 1881 kif ukoll Artikolu 131-26(2) u (3) tal-Kodiċi Penali;

F.

billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri jgawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-Istat;

G.

billi l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża jipprovdi li l-ebda Membru tal-Parlament ma jista’ jiġi suġġett għal proċeduri kontrih, jiġi mfittex, arrestat, detenut jew iġġudikat minħabba opinjonijiet espressi jew voti mogħtija fil-qadi tad-dmirijiet uffiċjali tiegħu u l-ebda Membru tal-Parlament ma jista’ jiġi arrestat għal reat jew ikun suġġett għal kwalunkwe miżura oħra li ċċaħħad jew li tirrestrinġi l-libertà mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-parlament;

H.

billi l-portata tal-immunità mogħtija lill-Membri tal-Parlament Franċiż tikkorrispondi fil-fatt għall-portata tal-immunità mogħtija lill-Membri fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea; billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sostniet li, sabiex Membru tal-Parlament Ewropew ikun kopert bl-immunità, opinjoni trid tingħata mill-Membru fil-qadi ta' dmirijietu, u dan jimplika r-rekwiżit ta' rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari; billi tali rabta għandha tkun diretta u ovvja;

I.

billi l-akkużi mhumiex relatati mal-pożizzjoni ta' Mylène Troszczynski bħala Membru tal-Parlament Ewropew u jikkonċernaw minflok attivitajiet ta’ natura reġjonali, peress li l-istampa falsifikata u l-kummenti kienu jirreferu għal dak li allegatament kien qed jiġri f’Rosny-Sous-Bois, bi ksur tad-dritt Franċiż;

J.

billi l-azzjonijiet allegati ma jirreferux għal xi opinjoni espressa jew vot mitfugħ minn Mylène Troszczynski, bħala Membru tal-Parlament Ewropew fil-qadi ta' dmirijietha, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

K.

billi m’hemm l-ebda suspett ta’ fumus persecutionis, li huwa kwalunkwe tentattiv evidenti biex tiġi mfixkla l-ħidma parlamentari ta' Mylène Troszczynski, wara l-inkjesta ġudizzjarja li nfetħet fuq ilment ibbażat fuq difamazzjoni ta’ amministrazzjoni pubblika, imressaq mill-fond ta' allowances għall-familja ta' Seine-Saint-Denis rappreżentat mill-maniġer ġenerali tiegħu;

1.

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Mylène Troszczynski;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Franċiża u lil Mylène Troszczynski.

(1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/155


P8_TA(2017)0259

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-Marie Le Pen

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-Marie Le Pen (2017/2020(IMM))

(2018/C 331/24)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Jean-Marie Le Pen, imressqa fit-22 ta' Diċembru 2016 mill-Ministru Franċiż għall-Ġustizzja, is-Sur Jean-Jacques Urvoas, b'rabta ma' talba mill-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Appell ta' Pariġi u mħabbra fil-plenarja tas-16 ta' Jannar 2017,

wara li sema' lil Jean-Marie Le Pen skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża,

wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0217/2017),

A.

billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Appell ta' Pariġi talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Jean-Marie Le Pen, b'rabta ma' investigazzjonijiet kriminali;

B.

billi t-talba mill-Prosekutur Ġenerali hija relatata ma' allegazzjonijiet li Jean-Marie Le Pen għamlet dikjarazzjoni matul xandira tar-radju li tissarraf f'inċitament għal diskriminazzjoni, mibegħda jew vjolenza razzjali, li hija reat kriminali skont il-Kodiċi Kriminali Franċiż;

C.

billi, skont l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża, “l-ebda Membru tal-Parlament […] ma għandu jkun suġġett għal investigazzjoni, arrest, detenzjoni jew kundanna minn qorti tal-ġustizzja għal opinjonijiet espressi jew voti mitfugħin minnu fit-twettiq ta' dmirijietu”, u billi l-ebda Membru tal-Parlament ma għandu “jiġi arrestat jew b'xi mod ieħor imċaħħad, jew ristrett, mil-libertà tiegħu minħabba reat jew reati minuri” mingħajr il-kunsens tal-Parlament;

D.

billi l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;

E.

billi skont l-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru imma hija garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu;

F.

billi d-dispożizzjonijiet dwar l-immunità parlamentari huma interpretati fid-dawl tal-valuri, tal-objettivi u tal-prinċipji tat-Trattati;

G.

billi, għall-Membri tal-Parlament Ewropew, din l-immunità assoluta timplika li l-opinjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati, sew jekk huma espressi waqt il-laqgħat uffiċjali tal-Parlament kif ukoll jekk fi bnadi oħra, pereżempju fil-midja, fejn hemm “rabta bejn l-opinjoni espressa u […] id-dmirijiet parlamentari” (2);

H.

billi ma hemm l-ebda konnessjoni bejn id-dikjarazzjoni kkontestata u x-xogħol parlamentari ta' Jean-Marie Le Pen, u billi Jean-Marie Le Pen għalhekk ma kinitx qed taġixxi fil-kapaċità tagħha ta' Membru tal-Parlament Ewropew;

I.

billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

J.

billi hija biss l-immunità koperta taħt l-Artikolu 9 li tista' titneħħa (3);

K.

billi l-iskop ta' tali immunità huwa li l-Parlament u l-Membri tiegħu jiġu protetti minn proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li ma jistgħux jiġu separati minn dawk id-dmirijiet;

L.

billi fejn dawn il-proċedimenti ma jikkonċernawx il-qadi tad-dmirijiet ta' Membru, l-immunità għandha titneħħa sakemm ma jkunx jidher li l-intenzjoni wara l-proċedimenti ġudizzjarji tista' tkun li ssir ħsara lill-attività politika ta' Membru u għaldaqstant lill-indipendenza tal-Parlament (fumus persecutionis);

M.

billi abbażi tal-informazzjoni mogħtija f'dan il-każ, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn wieħed għandu jissuspetta li l-proċedimenti relatati ma' Jean-Marie Le Pen huma mmotivati minn intenzjoni li ssir ħsara lill-attività politika tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

1.

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Jean-Marie Le Pen;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu minnufih lill-awtorità kompetenti fi Franza u lil Jean-Marie Le Pen.

(1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.

(2)  Is-sentenza f'Patriciello, iċċitata iktar 'il fuq, paragrafu 33.

(3)  Is-sentenza f'Marra, iċċitata iktar 'il fuq, paragrafu 45.


Il-Ħamis 15 ta’ Ġunju 2017

18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/157


P8_TA(2017)0266

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Marine Le Pen

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Marine Le Pen (2017/2021(IMM))

(2018/C 331/25)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Marine Le Pen, mibgħuta fid-9 ta' Diċembru 2016 minn Pascal Guinot, Prosekutur Ġenerali tal-Qorti ta' Appell ta' Aix-en-Provence, u mħabbra fis-seduta plenarja fid-19 ta' Jannar 2017,

wara li stieden lis-Sinjura Le Pen biex tinstema' fid-29 ta' Mejju u fit-12 ta' Ġunju 2017, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013 (1),

wara li kkunsidra l-ewwel paragrafu tal-Artikoli 23, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29, l-Artikolu 30 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 31 tal-Att tad-29 ta’ Lulju 1881 u l-Artikoli 93–2 u 93–3 tal-Att tad-29 ta’ Lulju 1982,

wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0223/2017),

A.

billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Appell ta’ Aix en Provence talab it-tneħħija tal-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Marine Le Pen, b'rabta ma' azzjoni legali rigward reat allegat;

B.

billi skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea il-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom.

C.

billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

D.

billi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 26(2) tal-Kostituzzjoni Franċiża jiddisponi li l-ebda Membru tal-Parlament ma jista’ jiġi arrestat jew soġġett għal kwalunkwe miżura oħra li tneħħilu l-libertà jew tirristrinġilu dik il-libertà minħabba reati kriminali jew minuri mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Assemblea li jagħmel parti minnha, u li tali awtorizzazzjoni ma tkunx meħtieġa jekk ikun sar reat gravi, fil-każ ta’ flagrante delicto jew il-ħruġ ta’ sentenza finali;

E.

billi Marine Le Pen hija akkużata b’diffamazzjoni pubblika ta’ uffiċjali eletti pubblikament, reat li hemm dispożizzjonijiet dwaru fid-dritt Franċiż, partikolarment fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29, l-Artikolu 30 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 31 tal-Att tad-29 ta’ Lulju 1881 u l-Artikoli 93-2 u 93-3 tal-Att tad-29 ta’ Lulju 1982;

F.

billi fit-28 ta' Lulju 2015, Christian ESTROSI ppreżenta quddiem id-Dekan tal-imħallfin tal-istruttorja ta' Nizza lment b'intervent ċivili kontra Marine Le Pen bl-akkuża ta' diffamazzjoni pubblika ta' ċittadin li għandu kariga pubblika temporanja; billi huwa jsostni li fit-3 ta' Mejju 2015, waqt il-programm LE GRAND RENDEZ-VOUS imxandar simultanjament fuq iTÉLÉ u fuq Europe 1, Marine LE PEN għaddiet il-kummenti li ġejjin li jikkostitwixxu allegazzjonijiet jew attribuzzjonijiet ta' fatt li jippreġudikaw l-unur u r-reputazzjoni tiegħu:

“Isma', dak li naf hu dan: Is-Sur Estrosi iffinanzja UOIF (Unjoni ta’ Organizzazzjonijiet Iżlamiċi fi Franza); huwa ġie kkundannat mill-qrati amministrattivi talli kkonċeda kirja baxxa ħafna lil moskea UOIF u anki l-Qorti Amministrattiva ċanfritu, li jikkorrispondi, fir-realtà, għall-mod kif dawn is-sindki jiffinanzjaw illegalment il-moskej, bi ksur tal-liġi tal-1905; meta wieħed jiċċappas bil-klijenteliżmu u bil-komunitariżmu, ovvjament wieħed ikollu joqgħod jgħolli leħnu u jagħmel diskorsi xokkanti, imma jiena ma nagħtix importanza lill-kliem iżda lill-azzjonijiet…”; bi tweġiba għal mistoqsija min-naħa tal-intervistatur “Jiġifieri Estrosi huwa kompliċi tal-ġiħadisti?”, is-Sinjura Le Pen allegatament wieġbet: “Għajnuna, forniment ta' riżorsi, assistenza; meta wieħed jgħin fit-twaqqif, it-tixrid, u r-reklutaġġ tal-fundamentaliżmu Iżlamiku, b'xi mod, moralment, iva, jkun ftit kompliċi”;

G.

billi Marine Le Pen ġiet mistiedna darbtejn għal seduta ta’ smigħ, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta’ Proċedura; billi, madankollu, hija ma ħaditx l-opportunità biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha lill-kumitat responsabbli;

H.

billi l-atti akkużata bihom is-Sinjura Le Pen m'għandhomx rabta diretta mal-eżerċizzju ta' dmirijietha bħala Membru tal-Parlament Ewropew u lanqas kliemha fl-opinjonijiet espressi jew voti mogħtija fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha bħala Membru tal-Parlament Ewropew għall-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

I.

billi, wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, l-akkużi huma manifestament mhumiex relatati mas-sitwazzjoni ta’ Marine Le Pen bħala Membru tal-Parlament Ewropew u jikkonċernaw biss attivitajiet ta’ natura nazzjonali jew reġjonali, u billi għaldaqstant l-Artikolu 8 mhuwiex applikabbli;

J.

billi hija biss din l-immunità koperta mill-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea li tista’ titneħħa;

K.

billi, wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, ma hemm l-ebda raġuni li wieħed jissuspetta li t-talba għat-tneħħija saret bħala attentat sabiex tiġi ostakolata l-ħidma parlamentari ta’ Marine Le Pen jew bl-intenzjoni li jiġi kkawżat dannu politiku għaliha (fumus persecutionis);

1.

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Marine Le Pen;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu minnufih lill-awtorità kompetenti fir-Repubblika Franċiża u lil Marine Le Pen.

(1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.


III Atti preparatorji

IL-PARLAMENT EWROPEW

It-Tlieta 13 ta’ Ġunju 2017

18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/159


P8_TA(2017)0249

Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) imwettqa b'mod konġunt minn bosta Stati Membri (COM(2016)0662 – C8-0421/2016 – 2016/0325(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 331/26)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0662),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 185 u 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0421/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-26 ta' Jannar 2017 (1),

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-26 ta' April 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0112/2017),

1.

Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni mehmuża ma’ din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 80.


P8_TC1-COD(2016)0325

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta’ Ġunju 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2017/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li pparteċipaw fiha b'mod konġunt diversi Stati Membri

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, d-Deċiżjoni (UE) 2017/1324.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-garanziji finanzjarji għall-Istruttura ta’ Implimentazzjoni tal-PRIMA

1.   

B’rabta mal-inizjattiva PRIMA, fl-Artikolu 58(1)(c)(vi) tiegħu, ir-Regolament Finanzjarju tal-UE jistipula li l-Kummissjoni tista’ tħalli l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’idejn korp irregolat mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku (l-istruttura ta’ implimentazzjoni). It-tali korp irid jipprovdi garanziji finanzjarji adegwati.

2.   

Sabiex titħares il-ġestjoni finanzarja tajba tal-fondi tal-UE, dawk il-garanziji għandhom ikopru kull dejn li l-istruttura ta’ implimentazzjoni jista’ jkollha mal-Unjoni b’rabta mal-kompiti kollha ta’ implimentazzjoni previsti fil-ftehim ta’ delega. Is-soltu l-Kummissjoni tistenna li l-garanti jaċċettaw l-obbligazzjoni in solidum għad-djun tal-istruttura ta’ implimentazzjoni.

3.   

Madankollu, abbażi ta’ valutazzjoni ddettaljata tar-riskju, u b’mod partikulari jekk l-eżitu tal-valutazzjoni tal-pilastru ex ante mwettqa fuq l-istruttura ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju titqies li hija adegwata, l-Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni li jkun qed jieħu ħsieb l-inizjattiva PRIMA se jipprevedi li:

Il-garanziji finanzjarji li l-istruttura ta’ implimentazzjoni tintalab tipprovdi jistgħu jkunu limitati għall-ammont massimu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità.

Bl-istess mod, l-obbligazzjoni ta’ kull garanti tista’ tkun proporzjonata mas-sehem tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-inizjattiva PRIMA.

Il-garanti jistgħu jaqblu fuq il-modalitajiet li bihom se jkopru din l-obbligazzjoni fl-ittri rispettivi tagħhom ta’ dikjarazzjoni dwar l-obbligazzjonijiet.


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/162


P8_TA(2017)0250

Miżuri speċifiċi għall-provvista ta' assistenza addizzjonali lill-Istati Membri affettwati minn diżastri naturali ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi għall-provvista ta' assistenza addizzjonali lill-Istati Membri affettwati minn diżastri naturali (COM(2016)0778 – C8-0489/2016 – 2016/0384(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 331/27)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2016)0778),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 177 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0489/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22 ta' Frar 2017 (1),

wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-24 ta' Mejju 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0070/2017),

1.

Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 38.


P8_TC1-COD(2016)0384

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta’ Ġunju 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi għall-provvista ta' assistenza addizzjonali lill-Istati Membri affettwati minn diżastri naturali

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2017/1199.)


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/163


P8_TA(2017)0251

It-tikkettar tal-effiċjenza tal-enerġija ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-effiċjenza tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (COM(2015)0341 – C8-0189/2015 – 2015/0149(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 331/28)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2015)0341),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0189/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta' Jannar 2016 (1),

wara li kkonsulta mal-Kumitat tar-Reġjuni,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-5 ta' April 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0213/2016),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt (2);

2.

Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni

4.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 82, 3.3.2016, p. 6.

(2)  Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fis-6 ta' Lulju 2016 (Testi adottati P8_TA(2016)0304).


P8_TC1-COD(2015)0149

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta’ Ġunju 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2017/1369.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-Artikoli 290 u 291 TFUE

“Filwaqt li jfakkru fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, b'mod partikolari l-paragrafu 26 tiegħu, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddikjaraw li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament m'għandhomx jippreġudikaw kwalunkwe pożizzjoni futura tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 TFUE f'fajls leġislattivi oħra.”

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kumpens finanzjarju għall-konsumaturi

“Fid-dawl tal-isforzi kontinwi tagħha biex issaħħaħ l-infurzar tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni għall-prodotti, il-Kummissjoni, – sabiex tindirizza t-telf finanzjarju potenzjali għall-konsumaturi minħabba prodotti li jkunu ttikkettati b’mod ħażin jew minħabba prestazzjoni tal-enerġija u ambjentali li tkun inqas minn dik indikata fuq it-tikketta, – għandha tinvestiga jekk il-kumpens għall-konsumaturi f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tal-klassi tal-effiċjenza enerġetika indikata fuq it-tikketta jistax jiġi indirizzat.”


18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/165


P8_TA(2017)0252

Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 (COM(2016)0400 – C8-0223/2016 – 2016/0186(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 331/29)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0400),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 167(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0223/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-24 ta' Mejju 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0061/2017),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b’mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

P8_TC1-COD(2016)0186

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Ġunju 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2017/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Deċiżjoni (UE) 2017/1545.)


L-Erbgħa 14 ta’ Ġunju 2017

18.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/166


P8_TA(2017)0256

It-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi ***I

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti u biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għar-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima (COM(2016)0482 – C8-0331/2016 – 2016/0231(COD)) (1)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 331/30)

Emenda 1

Proposta għal regolament

Titolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Proposta għal

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti u biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għar-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima

dwar l-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għar-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima (“Regolament dwar l-Azzjoni Klimatika li jimplimenta l-Ftehim ta' Pariġi”)

Emenda 2

Proposta għal regolament

Kunsiderazzjoni 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Wara li kkunsidraw il-Protokoll Nru 1 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

Emenda 3

Proposta għal regolament

Kunsiderazzjoni 1b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Wara li kkunsidraw il-Protokoll Nru 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

Emenda 4

Proposta għal regolament

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3)

Fl-10 ta' Ġunju 2016 il-Kummissjoni ppreżentat proposta li l-UE tirratifika l-ftehim ta' Pariġi. Din il-proposta leġiżlattiva tifforma parti mill-implimentazzjoni tal-impenn tal-UE fil-ftehim ta' Pariġi. L-impenn tal-Unjoni għal tnaqqis tal-emissjonijiet fis-setturi ekonomiċi kollha ġie kkonfermat il-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha li ġie ppreżentat lis-Segretarjat tal-UNFCCC fis-6 ta' Marzu 2015.

(3)

Il-Kunsill irratifika l-Ftehim ta' Pariġi fil-5 ta' Ottubru 2016, wara l-approvazzjoni mogħtija mill-Parliament Ewropew fl-4 ta' Ottubru 2016. Il-Ftehim ta' Pariġi daħal fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2016 u għandu l-għan, skont l-Artikolu 2 tiegħu, “li jsaħħaħ ir-rispons globali għat-theddida tat-tibdil fil-klima, fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-isforzi biex jinqered il-faqar, inkluż billi: (a) iżomm iż-żieda fit-temperatura medja globali għal ferm inqas minn 2 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali u jsegwi l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5  oC aktar mil-livelli preindustrijali, filwaqt li jiġi rikonoxxut li dan inaqqas b'mod sinifikanti r-riskji u l-impatti tat-tibdil fil-klima; (b) iżid il-kapaċità ta' adattament għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u jrawwem ir-reżiljenza għall-klima u l-iżvilupp ta' emissjonijiet baxxi ta' gassijiet serra, b'mod li ma jipperikolax il-produzzjoni tal-ikel; (c) jagħmel il-flussi finanzjarji konsistenti ma' perkors lejn emissjonijiet baxxi ta' gassijiet serra u ta' żvilupp reżiljenti għall-klima.

Il-Ftehim ta' Pariġi jirrikjedi wkoll li l-partijiet tiegħu jieħdu azzjoni sabiex jikkonservaw u jtejbu, kif xieraq, bjar u riżervi ta' gassijiet serra, inklużi foresti.

Din il-proposta leġiżlattiva tifforma parti mill-implimentazzjoni tal-impenn tal-UE fil-ftehim ta' Pariġi. L-impenn tal-Unjoni għal tnaqqis tal-emissjonijiet fis-setturi ekonomiċi kollha ġie kkonfermat fil-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha li ġie ppreżentat lis-Segretarjat tal-UNFCCC fis-6 ta' Marzu 2015.

Emenda 5

Proposta għal regolament

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4)

Il-Ftehim ta' Pariġi jissostitwixxi l-approċċ deċiż skont il-Protokoll ta' Kjoto tal-1997 li mhuwiex se jitkompla lil hinn mill-2020.

(4)

Il-Ftehim ta' Pariġi jissostitwixxi l-approċċ deċiż skont il-Protokoll ta' Kjoto tal-1997 li mhuwiex se jitkompla lil hinn mill-2020. Il-Green Investment Schemes marbuta mall-Protokoll ta' Kjoto, li jipprovdu appoġġ finanzjarju għal proġetti ta' tnaqqis fl-emissjonijiet fi Stati Membri bi dħul iktar baxx, għalhekk se jintemmu wkoll.

Emenda 6

Proposta għal regolament

Premessa 4a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4a)

Il-laqgħa tal-Kunsill Ambjentali tal-21 ta' Ottubru 2009 appoġġat mira tal-Unjoni, fil-kuntest ta' tnaqqis meħtieġ skont il-Grupp ta' Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) mill-pajjiżi żviluppati bħala grupp, li jitnaqqsu l-emissjonijiet bi 80 sa 95 % sal-2050 meta mqabbla mal-1990.

Emenda 7

Proposta għal regolament

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5)

It-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa teħtieġ tibdil fl-aġir tal-investiment u inċentivi fil-firxa kollha tal-politika . Hija prijorità prinċipali tal-Unjoni li tistabbilixxi Unjoni tal-Enerġija reżiljenti biex tipprovdi enerġija sikura, sostenibbli, kompetittiva u affordabbli għaċ-ċittadini tagħha. Il-kisba ta' dan tirrikjedi wkoll kontinwazzjoni ta' azzjoni klimatika ambizzjuża b'dan ir-Regolament u progress fir-rigward ta' aspetti oħra tal-Unjoni tal-Enerġija kif stabbilita fil-Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem (16).

(5)

It-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u l-bijoekonomija teħtieġ tibdil fl-aġir tal-investiment fil-firxa kollha tal-politika u inċentivi għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) b'inqas kapital u b'azjendi agrikoli żgħar li jadattaw il-mudelli ta' negozju tagħhom . Hija prijorità prinċipali tal-Unjoni li tistabbilixxi Unjoni tal-Enerġija reżiljenti li tagħti prijorità lill-effiċjenza enerġetika u għandha l-għan li tipprovdi enerġija sikura, sostenibbli, kompetittiva u affordabbli liċ-ċittadini tagħha kif ukoll li tapplika politiki ta' sostenibbiltà u ta' tnaqqis tal-emissjonijiet stretti fir-rigward tal-użu ta' riżorsi b'bażi bijoloġika li jissostitwixxu riżorsi fossili . Il-kisba ta' dan tirrikjedi wkoll kontinwazzjoni ta' azzjoni klimatika ambizzjuża b'dan ir-Regolament u progress fir-rigward ta' aspetti oħra tal-Unjoni tal-Enerġija kif stabbilita fil-Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem (16).

Emenda 8

Proposta għal regolament

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9)

L-approċċ ta' limiti nazzjonali vinkolanti annwali meħud fid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) għandu jitkompla mill-2021 sal-2030, u l-kalkolu tat-trajettorja jibda fl- 2020 fuq il-medja tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fil-perjodu mill-2016 sal-2018, u t-tmiem tat-trajettorja jkun il-limitu tal-2030 għal kull Stat Membru. Aġġustament tal-allokazzjoni fl-2021 huwa previst għall-Istati Membri li jkollhom kemm limitu pożittiv skont id-Deċiżjoni 406/2009/KE kif ukoll allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet li jiżdiedu bejn l-2017 u l-2020 iddeterminati skont id-Deċiżjonijiet 2013/162/UE u 2013/634/UE, biex jirrifletti l-emissjonijiet miżjuda f'dawk is-snin. Il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li d-disponibbiltà u l-użu ta' strumenti ta' flessibbiltà eżistenti fis-setturi mhux tal-ETS għandhom jiġu msaħħa b'mod sinifikanti sabiex tiġi żgurata l-kosteffikaċja tal-isforz kollettiv tal-Unjoni u l-konverġenza ta' emissjonijiet per capita sal-2030.

(9)

Jenħtieġ li l-approċċ ta' limiti nazzjonali vinkolanti annwali meħud fid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) jitkompla mill-2021 sal-2030, u l-kalkolu tat-trajettorja jibda fl- 2018 fuq il-medja tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fil-perjodu mill-2016 sal-2018 jew tal-valur tal-allokazzjoni tal-emissjonijiet annwali għall-2020 skont liema minnhom tkun l-inqas , u t-tmiem tat-trajettorja jkun il-limitu tal-2030 għal kull Stat Membru. Sabiex tkun ippremjata l-azzjoni bikrija u biex jappoġġaw lill-Istati Membri b'kapaċità ta' investiment aktar baxxa, l-Istati Membri bi PDG per capita aktar baxx mill-medja tal-UE, li matul l-2013 sal-2020 inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom aktar mill-allokazzjonijiet ta' emissjonijiet annwali tagħhom għall-perjodu 2013-2020 previsti skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE jistgħu, f'ċerti kundizzjonijiet, jitolbu allokazzjonijiet addizzjonali minn riserva. Aġġustament supplementari tal-allokazzjoni fl-2021 huwa previst għall-Istati Membri li jkollhom kemm limitu pożittiv skont id-Deċiżjoni  Nru 406/2009/KE kif ukoll allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet li jiżdiedu bejn l-2017 u l-2020 iddeterminati skont id-Deċiżjonijiet 2013/162/UE u 2013/634/UE, biex jirrifletti l-emissjonijiet miżjuda f'dawk is-snin. Il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li jenħtieġ li d-disponibbiltà u l-użu ta' strumenti ta' flessibbiltà eżistenti fis-setturi mhux tal-ETS jiġu msaħħa b'mod sinifikanti sabiex tiġi żgurata l-kosteffikaċja tal-isforz kollettiv tal-Unjoni u l-konverġenza ta' emissjonijiet per capita sal-2030.

Emenda 9

Proposta għal regolament

Premessa 9a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9a)

Sabiex l-Unjoni tilħaq l-objettivi tagħha lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, dan ir-Regolament jipprovdi għal perkors ta' tnaqqis ta' emissjonijiet fit-tul biex mill-2031 jitnaqqsu l-emissjonijiet serra koperti b'dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament jikkontribwixxi wkoll għall-għan tal-Ftehim ta' Pariġi li jinkiseb bilanċ bejn emissjonijiet antropoġeniċi minn sorsi u l-assorbiment minn bjar ta' gassijiet serra fit-tieni nofs ta' dan is-seklu.

Emenda 10

Proposta għal regolament

Premessa 10a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(10a)

Sabiex tinżamm l-effiċjenza sħiħa tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq stabbilita bid-Deċiżjoni (UE) 2015/1814  (1a) tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, jenħtieġ li l-kanċellazzjoni ta' kwoti minħabba l-użu tal-flessibbiltà stipulata f'dan ir-Regolament wara tnaqqis fil-kwoti tal-EU ETS ma tiġix ikkunsidrata bħala kwoti li ġew ikkanċellati skont id-Direttiva 2003/87/KE meta jiġi determinat, skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, l-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni f'sena partikolari skont dik id-Deċiżjoni.

Emenda 11

Proposta għal regolament

Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(11)

Teżisti firxa ta' miżuri tal-Unjoni li jtejbu l-kapaċità tal-Istati Membri li jissodisfaw l-impenji klimatiċi tagħhom u huma kruċjali għall-kisba tat-tnaqqis ta' emissjonijiet meħtieġ fis-setturi koperti minn dan ir-Regolament. Dawn jinkludu l-leġiżlazzjoni dwar il-gassijiet serra fluworinati, it-tnaqqis ta' CO2 mill-vetturi tat-triq, ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u  l-ekonomija ċirkolari, kif ukoll strumenti ta' finanzjament tal-Unjoni għall-investimenti relatati mal-klima.

(11)

Teżisti firxa ta' miżuri tal-Unjoni li jtejbu l-kapaċità tal-Istati Membri li jissodisfaw l-impenji klimatiċi tagħhom u huma kruċjali għall-kisba tat-tnaqqis ta' emissjonijiet meħtieġ fis-setturi koperti minn dan ir-Regolament. Dawn jinkludu l-leġiżlazzjoni dwar il-gassijiet serra fluworinati, it-tnaqqis ta' CO2 mill-vetturi tat-triq, titjib fir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, żieda fl-enerġija rinnovabbli, effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija u  l-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari, kif ukoll strumenti ta' finanzjament tal-Unjoni għall-investimenti relatati mal-klima.

Emenda 12

Proposta għal regolament

Premessa 11a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(11a)

Sabiex jinkiseb dan it-tnaqqis fl-emissjonijiet u fi sforz biex jiġi mmassimizzat ir-rwol tas-settur tal-agrikoltura, hu importanti li l-Istati Membri jippromwovu azzjonijiet ta' mitigazzjoni innovattivi li għandhom l-ikbar potenzjal, inkluż: il-konverżjoni ta' art agrikola f'mergħat permanenti; il-ġestjoni ta' għeluq b'ringieli ta' sġajriet, strixxi ta' lqugħ u s-siġar fuq art agrikola; siġar tal-agroforestrija, u skemi ta' taħwil ġdid; il-prevenzjoni ta' tneħħija ta' siġar u deforestazzjoni; art baxxa jew art li ma tinħadimx u l-użu ta' kopertura/uċuħ tar-raba' li jikbru malajr u l-uċuħ tar-raba' residwi fuq l-art; il-verifika tal-karbonju u pjanijiet ta' ġestjoni tal-ħamrija/tan-nutrijenti; titjib fl-effiċjenza tan-nitroġenu u l-inibizzjoni tan-nitrifikazzjoni; l-irkupru u l-konservazzjoni ta' art mistagħdra/torbiera; u t-tisħiħ fit-trobbija tal-bhejjem, l-għalf u l-metodi ta' ġestjoni għal emissjonijiet aktar baxxi.

Emenda 13

Proposta għal regolament

Premessa 11b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(11b)

Dan ir-Regolament, inklużi l-flessibilitajiet disponibbli, jipprovdu inċentiv għat-tnaqqis tal-emissjonijiet konsistenti ma' atti legali oħra tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija għal setturi li huma koperti minn dan ir-Regolament, inkluż fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika. Minħabba li aktar minn 75 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra huma relatati mal-enerġija, żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u ffrankar tal-enerġija għandhom rwol importanti biex isir tnaqqis ta' emissjonijiet. Il-politiki ambizzjużi tal-effiċjenza fl-enerġija huma għalhekk importanti mhux biss għal iffrankar ta' importazzjoni akbar ta' fjuwils fossili li jiżguraw is-sigurtà tal-enerġija u kontijiet tal-konsumaturi aktar baxxi, imma wkoll biex ikun hemm użu akbar ta' teknoloġiji li jiffrankaw l-enerġija fil-bini, l-industrija u t-trasport, it-tisħiħ tal-kompetittività ekonomika, il-ħolqien ta' impjiegi lokali kif ukoll it-titjib tal-kundizzjonijiet tas-saħħa u l-indirizzar tal-faqar fl-enerġija. Miżuri meħuda f'setturi koperti minn dan ir-Regolament, li jiġu amortizzati maż-żmiem, huma mod kosteffiċjenti li jgħin lill-Istati Membri jilħqu l-miri tagħhom skont dan ir-Regolament. Għaldaqstant, meta jittraduċu dan ir-Regolament f'politiki nazzjonali, hu importanti li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari għall-possibilitajiet speċifiċi u differenti ta' titjib u ta' investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fis-setturi kollha.

Emenda 14

Proposta għal regolament

Premessa 11c (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(11c)

Is-settur tat-trasport mhux biss huwa emittent ewlieni ta' gassijiet serra iżda huwa wkoll is-settur li ilu mill-1990 jikber bl-aktar rata mgħaġġla fil-konsum tal-enerġija. Huwa importanti, għalhekk, li jsiru sforzi ulterjuri mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex itejbu l-effiċjenza tal-enerġija, iħeġġu bidla lejn modi tat-trasport sostenibbli u jnaqqsu d-dipendenza għolja li s-settur għandu fuq il-karbonju. Id-dekarbonizzazzjoni tat-taħlita tal-enerġija permezz tal-promozzjoni ta' enerġija b'emissjonijiet baxxi għat-trasport, pereżempju l-bijokarburanti sostenibbli u l-vetturi elettriċi, se tikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira tat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2, f'konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi. Dak jista' jiġi ffaċilitat billi jiġi żgurat li s-settur ikollu qafas ċar u fit-tul biex tiġi pprovduta ċ-ċertezza u li fuqha jistgħu jiġu bbażati l-investimenti.

Emenda 15

Proposta għal regolament

Premessa 11d (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(11d)

Jenħtieġ li l-impatt tal-politika dwar l-enerġija u tal-politiki settorjali fuq l-impenji tal-Unjoni u dawk nazzjonali fil-qasam tal-klima jiġu vvalutati b'metodi kwantifikati komuni, ħalli l-impatti tagħhom ikunu trasparenti u verifikabbli.

Emenda 57

Proposta għal regolament

Premessa 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(12)

Ir-Regolament [] [dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u l-assorbimenti mill-użu tal-art, it-tibdil tal-użu tal-art u l-forestrija, fil-qafas tal-2030 dwar il-klima u l-enerġija] jistabbilixxi regoli ta' kontabbiltà fir-rigward tal-użu tal-art, tat-tibdil tal-użu tal-art u tal-forestrija (LULUCF). Filwaqt li r-riżultat ambjentali skont dan ir-Regolament f'termini tal-livelli tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra huwa affettwat billi titqies kwantità ta' mhux aktar mis-somma tal-assorbimenti netti totali u l-emissjonijiet netti totali minn art deforestata, art forestali, raba' ġestita u bwar ġestiti kif iddefinit fir-Regolament [], għandha tiġi inkluża flessibbiltà għal kwantità massima ta' 280 miljun tunnellata ta' ekwivalenti għas-CO2 ta' dawn l-assorbimenti mqassma fost l-Istati Membri skont iċ-ċifri fl-Anness III, bħala possibbiltà addizzjonali fejn tenħtieġ, biex tgħin lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom. Fejn jiġi adottat l-att delegat biex jiġu aġġornati l-livelli ta' referenza tal-foresti abbażi tal-pjanijiet kontabilistiċi nazzjonali tal-forestrija skont l-Artikolu 8 (6) tar-Regolament [LULUCF], is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Unjoni fir-rigward tal-Artikolu 7 biex jirrifletti kontribuzzjoni tal-kategorija tal-kontabbiltà tal-art forestali ġestita fil-flessibbiltà prevista f'dak l-Artikolu. Qabel ma tadotta dan l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tevalwa r-robustezza tal-kontabbiltà tal-art forestali ġestita abbażi tad-dejta disponibbli, u b'mod partikolari l-konsistenza tar-rati tal-ħsad ipproġettati u reali. Barra minn hekk, skont dan ir-Regolament għandha tkun permessa l-possibbiltà li jitħassru volontarjament l-unitajiet ta' allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet sabiex ikunu jistgħu jitqiesu dawn l-ammonti meta tiġi vvalutata l-konformità mar-rekwiżiti skont ir-Regolament [].

(12)

Ir-Regolament [] [dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u l-assorbimenti mill-użu tal-art, it-tibdil tal-użu tal-art u l-forestrija, fil-qafas tal-2030 dwar il-klima u l-enerġija] jistabbilixxi regoli ta' kontabbiltà fir-rigward tal-użu tal-art, tat-tibdil tal-użu tal-art u tal-forestrija (LULUCF). Filwaqt li r-riżultat ambjentali skont dan ir-Regolament f'termini tal-livelli tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra huwa affettwat billi titqies kwantità ta' mhux aktar mis-somma tal-assorbimenti netti totali u l-emissjonijiet netti totali minn art deforestata, art forestali, raba' ġestita, bwar ġestiti u, fejn applikabbli, art mistagħdra ġestita kif iddefinit fir-Regolament [], għandha tiġi inkluża flessibbiltà għal kwantità massima ta' 280 miljun tunnellata ta' ekwivalenti għas-CO2 ta' dawn l-assorbimenti mqassma fost l-Istati Membri skont iċ-ċifri fl-Anness III, bħala possibbiltà addizzjonali fejn tenħtieġ, biex tgħin lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom. Fejn jiġi adottat l-att delegat biex jiġu aġġornati l-livelli ta' referenza tal-foresti abbażi tal-pjanijiet kontabilistiċi nazzjonali tal-forestrija skont l-Artikolu 8 (6) tar-Regolament [LULUCF], is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Unjoni fir-rigward tal-Artikolu 7 biex jirrifletti kontribuzzjoni bbilanċjata tal-kategorija tal-kontabbiltà tal-art forestali ġestita fil-flessibbiltà ta' 280 miljun prevista f'dak l-Artikolu. Qabel ma tadotta dan l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tevalwa r-robustezza tal-kontabbiltà tal-art forestali ġestita abbażi tad-dejta disponibbli, u b'mod partikolari l-konsistenza tar-rati tal-ħsad ipproġettati u reali. Barra minn hekk, skont dan ir-Regolament għandha tkun permessa l-possibbiltà li jitħassru volontarjament l-unitajiet ta' allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet sabiex ikunu jistgħu jitqiesu dawn l-ammonti meta tiġi vvalutata l-konformità mar-rekwiżiti skont ir-Regolament [].

Emenda 17

Proposta għal regolament

Premessa 12a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(12a)

Il-kisba b'mod reċiprokament koerenti, tal-objettivi multipli tal-Unjoni marbuta mas-settur agrikolu, inklużi l-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima, il-kwalità tal-arja, il-konservazzjoni tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema, u l-appoġġ għall-ekonomiji rurali, se jirrikjedu tibdiliet fl-investiment u fl-inċentivi, bl-appoġġ ta' miżuri tal-Unjoni, bħall-PAK. Hu essenzjali li dan ir-Regolament jieħu kont tal-objettiv li jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Istrateġija tal-Unjoni għall-Foresti biex jippromwovi provvista kompetittiva u sostenibbli ta' injam għall-bijoekonomija tal-Unjoni, il-politiki dwar il-foresti nazzjonali tal-Istati Membri, u l-Istrateġija tal-Unjoni dwar il-Bijoekonomija, u l-Istrateġija tal-Unjoni għal Ekonomija Ċirkolari.

Emenda 18

Proposta għal regolament

Premessa 13

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(13)

Sabiex jiġu żgurati r-rapportar u l-verifika effiċjenti, trasparenti u kosteffikaċi tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u ta' informazzjoni oħra meħtieġa biex jiġi vvalutat il-progress fir-rigward tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet ta' Stat Membru, ir-rekwiżiti għar-rapportar u l-evalwazzjoni annwali skont dan ir-Regolament huma integrati mal-Artikoli rilevanti fir-Regolament (UE) Nru 525/2013 li għalhekk jeħtieġ li jiġu emendati skont dan. L-emenda ta' dan ir-Regolament għandu jiżgura wkoll li l-progress tal-Istati Membri fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ikompli jiġi evalwat kull sena, filwaqt illi jitqies il-progress fil-politiki tal-Unjoni u fil-miżuri u l-informazzjoni mill-Istati Membri. Kull sentejn, l-evalwazzjoni għandha tinkludi l-progress ipproġettat tal-Unjoni lejn l-onorar tal-impenji ta' tnaqqis tiegħu u tal-Istati Membri lejn it-twettiq tal-obbligi tagħhom. Madankollu, l-applikazzjoni ta' tnaqqis għandu jiġi kkunsidrat biss f'intervalli ta' ħames snin, biex ikun jista' jitqies il-kontribut potenzjali minn art deforestata, minn art forestali, minn raba' ġestita u minn bwar ġestiti, li jseħħ skont ir-Regolament []. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dmir tal-Kummissjoni li tiżgura l-konformità mal-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn dan ir-Regolament, jew għas-setgħa tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedimenti ta' ksur għal dan l-għan.

(13)

Sabiex jiġu żgurati r-rapportar u l-verifika effiċjenti, trasparenti u kosteffikaċi tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u ta' informazzjoni oħra meħtieġa biex jiġi vvalutat il-progress fir-rigward tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet ta' Stat Membru, ir-rekwiżiti għar-rapportar u l-evalwazzjoni annwali skont dan ir-Regolament huma integrati mal-Artikoli rilevanti fir-Regolament (UE) Nru 525/2013 li għalhekk jeħtieġ li jiġu emendati skont dan. Jenħtieġ li l-emenda ta' dan ir-Regolament tiżgura wkoll li l-progress tal-Istati Membri fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ikompli jiġi evalwat kull sena, filwaqt illi jitqies il-progress fil-politiki tal-Unjoni u fil-miżuri u l-informazzjoni mill-Istati Membri. Kull sentejn, jenħtieġ li l-evalwazzjoni tinkludi l-progress ipproġettat tal-Unjoni lejn l-onorar tal-impenji ta' tnaqqis tiegħu u tal-Istati Membri lejn it-twettiq tal-obbligi tagħhom. Jenħtieġ li l-kontroll tal-konformità sħiħa ssir kull sentejn. L-applikazzjoni tal-kontribut potenzjali minn art deforestata, minn art forestali, minn raba' ġestita u minn bwar ġestiti, li jseħħ skont ir-Regolament [] jenħtieġ li tkun ikkunsidrata bi qbil mal-intervalli mniżżla f'dak ir-Regolament . Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dmir tal-Kummissjoni li tiżgura l-konformità mal-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn dan ir-Regolament, jew għas-setgħa tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedimenti ta' ksur għal dan l-għan.

Emenda 19

Proposta għal regolament

Premessa 13 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(13a)

Peress li s-setturi koperti minn dan ir-Regolament jikkostitwixxu aktar minn nofs l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-Unjoni, il-politiki ta' tnaqqis tal-emissjonijiet f'dawn is-setturi huma importanti ħafna sabiex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Unjoni skont il-Ftehim ta' Pariġi. Għalhekk, il-proċeduri ta' monitoraġġ, ta' rappurtar u ta' segwitu taħt dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu trasparenti għalkollox. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jagħmlu l-informazzjoni dwar il-konformità ma' dan ir-Regolament disponibbli pubblikament u jenħtieġ li jiżguraw l-involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati u tal-pubbliku fil-proċess ta' rieżami ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni hija mħeġġa wkoll toħloq sistema effiċjenti u trasparenti biex timmonitorja l-eżitu tal-flessibbiltajiet li jkunu ddaħħlu.

Emenda 20

Proposta għal regolament

Premessa 14

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(14)

Bħala mezz biex tissaħħaħ il-kosteffikaċja globali tat-tnaqqis totali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jittrasferixxu parti mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tagħhom lil Stati Membri oħra. It-trasparenza ta' dawn it-trasferimenti għandha tiġi żgurata u tista' titwettaq b'mod li huwa konvenjenti għal kull parti, inkluż permezz tal-irkantar, l-użu ta' intermedjarji tas-suq li jaġixxu fuq bażi ta' aġenzija, jew permezz ta' arranġamenti bilaterali.

(14)

Bħala mezz biex tissaħħaħ il-kosteffikaċja globali tat-tnaqqis totali, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jfaddlu jew jisselfu parti mill-allokazzjonijiet annwali tagħhom ta' emissjonijiet. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu wkoll jittrasferixxu parti mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tagħhom lil Stati Membri oħra. Jenħtieġ li t-trasparenza ta' dawn it-trasferimenti tiġi żgurata u tista' titwettaq b'mod li huwa konvenjenti għal kull parti, inkluż permezz tal-irkantar, l-użu ta' intermedjarji tas-suq li jaġixxu fuq bażi ta' aġenzija, jew permezz ta' arranġamenti bilaterali.

Emenda 21

Proposta għal regolament

Premessa 15

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(15)

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha l-għan li tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli u li tgħin biex jinkiseb titjib sinifikanti u li jista' jitkejjel fl-ambjent tal-Ewropa billi tipprovdi informazzjoni f'waqtha, immirata, rilevanti u affidabbli lil dawk li jfasslu l-politika, lill-istituzzjonijiet pubbliċi u lill-pubbliku. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha tgħin lill-Kummissjoni, kif xieraq, skont il-programm ta' ħidma annwali tagħha.

(15)

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha l-għan li tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli u li tgħin biex jinkiseb titjib sinifikanti u li jista' jitkejjel fl-ambjent tal-Ewropa billi tipprovdi informazzjoni f'waqtha, immirata, rilevanti u affidabbli lil dawk li jfasslu l-politika, lill-istituzzjonijiet pubbliċi u lill-pubbliku. Jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tgħin lill-Kummissjoni, kif xieraq, skont il-programm ta' ħidma annwali tagħha, u tikkontribwixxi direttament u effettivament għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima .

Emenda 22

Proposta għal regolament

Premessa 17

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(17)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 skont liema se jiġu stabbiliti l-limiti annwali tal-emissjonijiet għall-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (21).

(17)

Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tiddetermina l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għall-Istati Membri .

Emenda 23

Proposta għal regolament

Premessa 19a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(19a)

Minbarra l-isforzi biex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha stess, huwa importanti li l-Unjoni, f'konformità mal-mira li żżid l-impatt pożittiv tagħha fuq il-marka pożittiva globali tal-bniedem fir-rigward tal-karbonju (carbon handprint), tipprevedi, flimkien ma' pajjiżi terzi, soluzzjonijiet għall-klima billi timplimenta proġetti konġunti ma' dawk il-pajjiżi, fil-kuntest tal-politika tal-2030 dwar il-klima, filwaqt li tqis il-fatt li l-Ftehim ta' Pariġi jirreferi għal mekkaniżmu ġdid ta' kooperazzjoni internazzjonali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Emenda 24

Proposta għal regolament

Premessa 20

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(20)

Dan ir-Regolament għandu jiġi rivedut mill-2024 u kull ħames snin wara dan, sabiex jiġi valutat il-funzjonament globali tiegħu. L-analiżi għandha tqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali li jkunu qegħdin jevolvu u tkun infurmata mir-riżultati tal-analiżi globali tal-Ftehim ta' Pariġi.

(20)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi rivedut mill-2024 u kull ħames snin wara dan, sabiex jiġi valutat il-funzjonament globali tiegħu. Jenħtieġ li l-analiżi tqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali li jkunu qegħdin jevolvu u tkun infurmata mir-riżultati tal-analiżi globali tal-Ftehim ta' Pariġi.

Sabiex tikkonforma mal-Ftehim ta' Pariġi, huwa meħtieġ li l-Unjoni tagħmel sforzi progressivament akbar u tressaq kull ħames snin kontribut li jkun jirrifletti l-ogħla ambizzjoni possibbli tagħha.

Għalhekk ir-rieżami jenħtieġ li jieħu kont ukoll tal-għan tal-Unjoni li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-ekonomija kollha b'bejn 80 u 95 % sal-2050 meta mqabbel mal-livelli tal-1990 u l-għan tal-Ftehim ta' Pariġi sabiex jintlaħaq bilanċ bejn l-emissjonijiet antropoġeniċi minn sorsi u l-assorbiment minn bjar ta' gassijiet serra fit-tieni nofs ta' dan is-seklu. Jenħtieġ li dan ikun imsejjes fuq l-aqwa metodi xjentifiċi disponibbli u jenħtieġ li jagħmel użu minn rapport preparatorju mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Jenħtieġ li r-rieżami tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Istati Membri għall-perjodu mill-2031 'il quddiem iqis il-prinċipji ta' ġustizzja u kosteffikaċja.

Emenda 25

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi dwar il-kontribuzzjonijiet minimi tal-Istati Membri biex jonoraw l-impenn ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-Unjoni għall-perjodu mill-2021 sal-2030, jistabbilixxi r-regoli dwar id-determinazzjoni tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet u għall-evalwazzjoni tal-progress tal-Istati Membri lejn l-ilħuq tal-kontribuzzjonijiet minimi tagħhom.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi dwar il-kontribuzzjonijiet minimi tal-Istati Membri biex jonoraw l-impenn ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-Unjoni għall-perjodu mill-2021 sal-2030, jistabbilixxi r-regoli dwar id-determinazzjoni tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet u għall-evalwazzjoni tal-progress tal-Istati Membri lejn l-ilħuq tal-kontribuzzjonijiet minimi tagħhom. Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra msemmija fl-Artikolu 2 sabiex tintlaħaq il-mira tal-Unjoni ta' tnaqqis ta' mill-inqas 30 % sal-2030 meta mqabbel mal-2005 b'mod ġust u kosteffettiv.

Emenda 26

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

L-għan ġenerali ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi l-Unjoni fit-triq lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju permezz tal-istabbiliment ta' perkors prevedibbli u fit-tul, li jnaqqas, sas-sena 2050, l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-Unjoni minn 80 sa 95 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Emenda 27

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-emissjonijiet ta' CO2 mill-kategorija tas-sorsi tal-IPCC “1.A.3.A l-avjazzjoni ċivili” għandhom jiġu ttrattati bħala żero.

3.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-emissjonijiet ta' CO2 mill-kategorija tas-sorsi tal-IPCC “1.A.3.A l-avjazzjoni ċivili” koperti mid-Direttiva 2003/87/KE għandhom jiġu ttrattati bħala żero.

Emenda 28

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 3a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3a.     Dan ir-Regolament japplika għal emissjonijiet ta' CO2 mill-kategorija tas-sorsi tal-IPCC “1.A.3.D in-navigazzjoni” li mhumiex koperti mid-Direttiva 2003/87/KE.

Emenda 29

Proposta għal regolament

Artikolu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 4

Artikolu 4

il-livelli annwali ta' emissjonijiet għall-perjodu 2021 sa 2030

Il-livelli annwali ta' emissjonijiet għall-perjodu 2021 sa 2030

1.    Fl-2030 , kull Stat Membru għandu jillimita l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tiegħu b'mill-inqas il-perċentwal stabbilit għalih fl-Anness I ta' dan ir-Regolament imqabbel mal-emissjonijiet tiegħu fl-2005 ddeterminati skont il-paragrafu 3.

1.    Sal-2030 , kull Stat Membru għandu jillimita l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tiegħu b'mill-inqas il-perċentwal stabbilit għalih fl-Anness I ta' dan ir-Regolament imqabbel mal-emissjonijiet tiegħu fl-2005 ddeterminati skont il-paragrafu 3.

2.   Soġġett għall-flessibbiltajiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7 għall-aġġustament skont l-Artikolu 10(2) u filwaqt illi jitqies kull tnaqqis li jista' jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tiegħu f'kull sena bejn l-2021 u l-2029 ma jaqbżux il-livell iddefinit minn trajettorja lineari, li tibda fl- 2020 fuq il-medja tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tiegħu matul l-2016, l-2017 u l-2018 iddeterminati skont il-paragrafu 3, u li tispiċċa fl-2030 fuq il-limitu stabbilit għal dak l-Istati Membru fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

2.   Soġġett għall-flessibbiltajiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7 għall-aġġustament skont l-Artikolu 10(2) u filwaqt illi jitqies kull tnaqqis li jista' jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tiegħu f'kull sena bejn l-2021 u l-2029 ma jaqbżux il-livell iddefinit minn trajettorja lineari, li tibda fl- 2018 jew fuq il-medja tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tiegħu matul l-2016, l-2017 u l-2018 iddeterminati skont il-paragrafu 3 jew l-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet għall-2020 iddeterminata skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE, liema minnhom huwa l-inqas , u li tispiċċa fl-2030 fuq il-limitu stabbilit għal dak l-Istati Membru fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għas-snin mill-2021 sal-2030 f'termini ta' tunnellati ta' ekwivalenti għas-CO2 kif speċifikat fil-paragrafi 1 u 2. Għall-finijiet ta' dan l-att ta' implimentazzjoni , il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi komprensiva tad-dejta tal-inventarju nazzjonali l-aktar riċenti għas-snin 2005 u 2016 sa 2018 ippreżentata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 12 biex jissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għas-snin mill-2021 sal-2030 f'termini ta' tunnellati ta' ekwivalenti għas-CO2 kif speċifikat fil-paragrafi 1 u 2. Għall-finijiet ta' dawk l-atti delegati , il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi komprensiva tad-dejta tal-inventarju nazzjonali l-aktar riċenti għas-snin 2005 u 2016 sa 2018 ippreżentata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013.

4.   Dan l-att ta' implimentazzjoni għandu jispeċifika wkoll, abbażi tal-perċentwali nnotifikati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6(2), il-kwantitajiet li jistgħu jitqiesu għall-konformità tagħhom skont l-Artikolu 9 bejn l-2021 u l-2030. Jekk is-somma tal-kwantitajiet tal-Istat Membri kollha taqbeż it-total kollettiv ta' 100 miljun, il-kwantitajiet għal kull Stat Membru għandhom jitnaqqsu fuq bażi pro rata sabiex ma jinqabiżx it-total kollettiv.

4.   Dan l-att delegat għandu jispeċifika wkoll, abbażi tal-perċentwali nnotifikati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6(2), il-kwantitajiet li jistgħu jitqiesu għall-konformità tagħhom skont l-Artikolu 9 bejn l-2021 u l-2030. Jekk is-somma tal-kwantitajiet tal-Istat Membri kollha taqbeż it-total kollettiv ta' 100 miljun, il-kwantitajiet għal kull Stat Membru għandhom jitnaqqsu fuq bażi pro rata sabiex ma jinqabiżx it-total kollettiv.

5.     Dan l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta' eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 13.

 

Emenda 30

Proposta għal regolament

Artikolu 4a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 4a

 

Trajettorja ta' tnaqqis tal-emissjonijiet fit-tul mill-2031

 

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor fl-ewwel jew f'waħda mir-reviżjonijiet sussegwenti msemmija fl-Artikolu 14(2), kull Stat Membru għandu, għal kull sena mill-2031 sal-2050, ikompli jnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra koperti minn dan ir-Regolament. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tiegħu f'kull sena bejn l-2031 u l-2050 ma jaqbżux il-livell iddefinit minn trajettorja lineari, li tibda mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-sena 2030 u tispiċċa fl-2050 fuq livell ta' emissjonijiet li huwa 80 % taħt il-livell tal-2005 għal dak l-Istat Membru.

 

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 12 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għas-snin mill-2031 sal-2050 f'termini ta' tunnellati ta' CO2 ekwivalenti.

Emenda 31

Proposta għal regolament

Artikolu 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 5

Artikolu 5

Strumenti ta' flessibbiltà biex jinkisbu l-limiti annwali

Strumenti ta' flessibbiltà biex jinkisbu l-limiti annwali

1.   L-Istati Membri jistgħu jużaw il-flessibbiltajiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6 ta' dan l-Artikolu, u fl-Artikoli 6 u 7.

1.   L-Istati Membri jistgħu jużaw il-flessibbiltajiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6 ta' dan l-Artikolu, u fl-Artikoli 6 u 7.

2.   Fir-rigward tas-snin 2021 sa2029 , Stat Membru jista' jissellef sa kwantità ta' 5 % mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-sena ta' wara.

2.   Fir-rigward tas-snin 2021 sal-2025, Stat Membru jista' jissellef sa kwantità ta' 10 % mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-sena ta' wara. Fir-rigward tas-snin 2026 sal-2029 , Stat Membru jista' jissellef sa kwantità ta' 5 % mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-sena ta' wara.

3.   Stat Membru li l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tiegħu għal sena partikolari jkunu taħt l-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal dik is-sena, filwaqt illi jitqies l-użu ta' flessibbiltajiet skont dan l-Artikolu u l-Artikolu 6, jista' jfaddal dik il-parti żejda tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-snin sussegwenti sal-2030.

3.   Stat Membru li l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tiegħu għal sena partikolari jkunu taħt l-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal dik is-sena, filwaqt illi jitqies l-użu ta' flessibbiltajiet skont dan l-Artikolu u l-Artikolu 6, fir-rigward tas-snin 2021 sal-2025 , jista' jfaddal dik il-parti żejda tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu sa livell ta' 10 % għas-snin sussegwenti sal-2025. Fir-rigward tas-snin 2026 sal-2029, Stat Membru jista' jfaddal il-parti żejda tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu sa livell ta' 5 % tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-snin sussegwenti sal-2030.

4.   Stat Membru jista' jittrasferixxi sa 5 % tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu ta' sena partikolari lil Stati Membri oħra. L-Istat Membru riċeventi jista' juża din il-kwantità għall-konformità skont l-Artikolu 9 għas-sena partikolari jew għal snin sussegwenti sal-2030.

4.   Stat Membru jista' jittrasferixxi sa 5 % tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu ta' sena partikolari lil Stati Membri oħra fir-rigward tas-snin 2021 sal-2025 u sa 10 % fir-rigward tas-snin 2026 sal-2030 . L-Istat Membru riċeventi jista' juża din il-kwantità għall-konformità skont l-Artikolu 9 għas-sena partikolari jew għal snin sussegwenti sal-2030.

5.   Stat Membru jista' jittrasferixxi l-parti tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu li taqbeż l-emissjonijiet ta' gassijiet serra għal dik is-sena, filwaqt li jitqies l-użu tal-flessibbiltajiet skont il-paragrafi 2 sa 4 u l-Artikolu 6, lil Stati Membri oħra. L-Istat Membru riċeventi jista' juża din il-kwantità għal konformità skont l-Artikolu 9 għal dik is-sena jew għal snin sussegwenti sal-2030.

5.   Stat Membru jista' jittrasferixxi l-parti tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu li taqbeż l-emissjonijiet ta' gassijiet serra għal dik is-sena, filwaqt li jitqies l-użu tal-flessibbiltajiet skont il-paragrafi 2 sa 4, l-Artikolu 6, lil Stati Membri oħra. L-Istat Membru riċeventi jista' juża din il-kwantità għal konformità skont l-Artikolu 9 għal dik is-sena jew għal snin sussegwenti sal-2030.

 

5a.     Stat Membru ma għandux jittrasferixxi kwalunkwe parti mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu jekk, fiż-żmien tat-trasferiment, l-emissjonijiet ta' dak l-Istat Membru jaqbżu l-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu.

6.   L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw il-krediti minn proġetti maħruġa skont l-Artikolu 24a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE għal konformità skont l-Artikolu 9, mingħajr ebda limitu kwantitattiv u filwaqt li jiġi evitat l-għadd doppju.

6.   L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw il-krediti minn proġetti maħruġa skont l-Artikolu 24a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE għal konformità skont l-Artikolu 9, mingħajr ebda limitu kwantitattiv u filwaqt li jiġi evitat l-għadd doppju. L-Istati Membri jistgħu jħeġġu l-istabbiliment ta' sħubijiet privati-privati u pubbliċi-privati għal proġetti bħal dawn.

Emenda 32

Proposta għal regolament

Artikolu 6 – paragrafu 3a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3a.     L-aċċess għall-flessibbiltà stabbilit f'dan l-Artikolu u fl-Anness II għandu jingħata bil-kundizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati jimpenjaw ruħhom li jieħdu miżuri f'setturi oħra fejn fil-passat ikunu nkisbu riżultati insuffiċjenti. Il-Kummissjoni għandha tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta att delegat skont l-Artikolu 12 li jistabbilixxi lista ta' dawn il-miżuri u setturi sal-31 ta' Diċembru 2019.

Emenda 55

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – titolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-użu addizzjonali ta' mhux aktar minn 280 miljun assorbiment nett minn art deforestata, art afforestata, raba' ġestita u bwar ġestiti

L-użu addizzjonali ta' mhux aktar minn 280 miljun assorbiment nett minn użu tal-art, tibdil tal-użu tal-art u forestrija

Emenda 34

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.   Sal-punt li emissjonijiet ta' Stat Membru jaqbżu l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal sena partikolari, kwantità ta' mhux aktar mis-somma ta' assorbimenti netti totali u l-emissjonijiet netti totali mill-kategoriji kombinati tal-kontabbiltà ta' art deforestata, art forestali, raba' ġestita u bwar ġestiti msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament [] [LULUCF] tista' titqies għall-konformità tiegħu skont l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament għal dik is-sena, sakemm:

1.   Sal-punt li emissjonijiet ta' Stat Membru jaqbżu l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal sena partikolari flimkien ma' kwalunkwe allokazzjoni tal-emissjonijiet imfaddla skont l-Artikolu 5(3) , kwantità ta' mhux aktar mis-somma ta' assorbimenti netti totali u l-emissjonijiet netti totali mill-kategoriji kombinati tal-kontabbiltà ta' art deforestata, art forestali, raba' ġestita, bwar ġestiti u  art mistagħdra ġestita, fejn applikabbli, u suġġett għal att delegat skont il-paragrafu 2, art forestali ġestita, imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament [] [LULUCF] tista' titqies għall-konformità tiegħu skont l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament għal dik is-sena, sakemm:

 

(-a)

l-Istat Membru jippreżenta sal-1 ta' Jannar 2019 pjan ta' azzjoni lill-Kummissjoni li jistabbilixxi miżuri, inklużi, fejn relevanti, l-użu ta' finanzjament mill-Unjoni, għall-agrikoltura effiċjenti mill-att tal-klima u l-użu tal-art u s-setturi forestali u juri kif dawn il-miżuri se jikkontribwixxu biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra skont dan ir-Regolament u li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti skont l-Artikolu 4 tar-Regolament [][LULUCF] għall-perjodu mill-2021 sal-2030;

(a)

il-kwantità kumulattiva li titqies għal dak l-Istat Membru għas-snin kollha tal-perjodu mill-2021 sal-2030 ma taqbiżx il-livell stabbilit fl-Anness III għal dak l-Istat Membru;

(a)

il-kwantità kumulattiva li titqies għal dak l-Istat Membru għas-snin kollha tal-perjodu mill-2021 sal-2030 ma taqbiżx il-livell stabbilit fl-Anness III għal dak l-Istat Membru;

(b)

din il-kwantità taqbeż ir-rekwiżiti tal-Istat Membru skont l-Artikolu 4 tar-Regolament [][LULUCF];

(b)

din il-kwantità murija li taqbeż ir-rekwiżiti tal-Istat Membru skont l-Artikolu 4 tar-Regolament [][LULUCF] matul il-perjodi ta' ħames snin stabbiliti fl-Artikolu 12 tar-Regolament [][LULUCF];

(c)

l-Istat Membru ma akkwistax aktar assorbimenti netti skont ir-Regolament [][LULUCF] mingħand Stati Membri oħra milli jkun ittrasferixxa; kif ukoll

(c)

l-Istat Membru ma akkwistax aktar assorbimenti netti skont ir-Regolament [][LULUCF] mingħand Stati Membri oħra milli jkun ittrasferixxa; kif ukoll

(d)

l-Istat Membru kkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament [] [LULUCF].

(d)

l-Istat Membru kkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament [] [LULUCF].

 

B'konformità mal-punt(-a), il-Kummissjoni tista' toħroġ opinjonijiet imressqa mill-Istati Membri dwar il-pjanijiet ta' azzjoni.

Emenda 56

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Fejn ikun adottat l-att delegat biex jiġu aġġornati l-livelli ta' referenza tal-foresti abbażi tal-pjanijiet kontabilistiċi nazzjonali tal-forestrija skont l-Artikolu 8(6) tar-Regolament [LULUCF], il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta att delegat biex temenda l-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu biex ikun jirrifletti kontribut tal-kategorija kontabilistika art forestali ġestita bi qbil mal-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament.

2.   Fejn ikun adottat l-att delegat biex jiġu aġġornati l-livelli ta' referenza tal-foresti abbażi tal-pjanijiet kontabilistiċi nazzjonali tal-forestrija skont l-Artikolu 8(6) tar-Regolament [LULUCF], il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta att delegat biex temenda l-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-kategoriji kontabilistiċi fl-Anness III biex ikun jirrifletti kontribut ibbilanċjat tal-kategorija kontabilistika art forestali ġestita bi qbil mal-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament mingħajr ma jinqabeż l-ammont totali ta' 280 miljun disponibbli taħt dan l-Artikolu .

Emenda 36

Proposta għal regolament

Artikolu 9 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.    Fl-2027 u fl-2032, jekk l-emissjonijiet ta' gassijiet serra riveduti ta' Stat Membru jaqbżu l-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal kwalunkwe sena speċifika tal-perjodu, skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u l-flessibbiltajiet użati skont l-Artikoli 5 sa 7, għandhom japplikaw il-miżuri li ġejjin:

1.    Kull sentejn il-Kummissjoni għandha twettaq verifika tal-konformità tal-Istati Membri ma' dan ir-Regolament. Jekk l-emissjonijiet ta' gassijiet serra riveduti ta' Stat Membru jaqbżu l-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal kwalunkwe sena speċifika tal-perjodu, skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u l-flessibbiltajiet użati skont l-Artikoli 5 sa 7, għandhom japplikaw il-miżuri li ġejjin:

(a)

żieda maċ-ċifra tal-emissjonijiet ta' Stat Membru tas-sena ta' wara ugwali għall-ammont f'tunnellati ta' ekwivalenti għas-CO2 tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra żejda, immultiplikat b'fattur ta' 1,08 , skont il-miżuri adottati skont l-Artikolu 11; kif ukoll

(a)

żieda maċ-ċifra tal-emissjonijiet ta' Stat Membru tas-sena ta' wara ugwali għall-ammont f'tunnellati ta' ekwivalenti għas-CO2 tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra żejda, immultiplikat b'fattur ta' 1,08 , skont il-miżuri adottati skont l-Artikolu 11; kif ukoll

(b)

l-Istat Membru għandu jkun temporanjament ipprojbit milli jittrasferixxi ebda parti mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu lil Stat Membru ieħor sakemm jiġi konformi ma' dan ir-Regolament. L-Amministratur Ċentrali għandu jimplimenta din il-projbizzjoni fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 11.

(b)

l-Istat Membru għandu jkun temporanjament ipprojbit milli jittrasferixxi ebda parti mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu lil Stat Membru ieħor sakemm jiġi konformi ma' dan ir-Regolament. L-Amministratur Ċentrali għandu jimplimenta din il-projbizzjoni fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 11.

Emenda 58

Proposta għal regolament

Artikolu 9 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 9a

 

Riżerva għal azzjoni bikrija

 

1.     Sabiex tiġi kkunsidrata azzjoni bikrija qabel l-2020, u fuq it-talba ta' Stat Membru, kwantità li ma taqbiżx is-somma totali ta' 90 miljun tunnellata f'allokazzjonijiet annwali ta' emissjonijiet fil-perjodu ta' bejn l-2026 u l-2030 għandha tittieħed in kunsiderazzjoni fir-rigward tal-konformità tal-Istat Membru għall-iskopijiet tal-aħħar kontroll tal-konformità skont l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament, dment li:

 

(a)

it-total tal-allokazzjonijiet annwali tiegħu tal-emissjonijiet għall-perjodu mill-2013 sal-2020 kif iddeterminat skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE jaqbeż it-total tiegħu tal-emissjonijiet annwali ta' gassijiet serra vverifikati għall-perjodu mill-2013 sal-2020;

 

(b)

il-PDG tiegħu per capita għall-prezzijiet tas-suq fl-2013 ikun taħt il-medja tal-UE;

 

(c)

ikun uża l-limitu massimu tal-flessibilitajiet imsemmija fl-Artikoli 6 u 7 għal-livelli stabbiliti fl-Annessi II u III;

 

(d)

ikun uża l-limitu massimu tal-flessibilitajiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) u (3) u ma jkunx ittrasferixxa l-allokazzjonijiet tal-emissjonijiet lejn Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 5(4) u (5); u

 

(e)

l-Unjoni kollha kemm hi tilħaq il-mira tagħha msemmija fl-Artikolu 1(1).

 

2.     Is-sehem massimu ta' Stat Membru tas-somma totali msemmija fil-paragrafu 1 li jista' jiġi kkunsidrat fir-rigward tal-konformità għandu jiġi stabbilit abbażi tar-rata ta', minn naħa waħda, id-differenza bejn it-total tal-allokazzjonijiet annwali tiegħu tal-emissjonijiet għall-perjodu mill-2013 sal-2020 u t-total annwali vverifikat dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tul l-istess perjodu, u, min-naħa l-oħra, id-differenza bejn it-total tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għall-perjodu mill-2013 sal-2020 tal-Istati Membri kollha li jissodisfaw il-kriterju fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u t-total annwali vverifikat tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ta' dawk l-Istati Membri fl-istess perjodu.

 

L-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet u l-emissjonijiet annwali vverifikati għandhom jiġu ddeterminati skont il-paragrafu 3.

 

3.     Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 12 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi massimu ta' ishma għal kull Stat Membru f'termini ta' tunnellati ta' CO2 ekwivalenti skont il-paragrafi 1 u 2. Għall-finijiet ta' dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tuża l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE u d-data rieżaminata tal-inventarju għas-snin 2013 sal-2020 skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013.

Emenda 38

Proposta għal regolament

Artikolu 10 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   L-ammont li jinsab fl-Anness IV ta' dan ir-Regolament għandhom jiżdiedu mal-allokazzjoni għas-sena 2021 għal kull Stat Membru msemmi f'dak l-Anness.

2.   L-ammont li jinsab fl-Anness IV ta' dan ir-Regolament , li jirrapreżenta somma totali ta' 39,14 -il miljun tunellata ta' CO2 ekwivalenti għall-Istati Membri kollha, għandu jiżdied mal-allokazzjoni għas-sena 2021 għal kull Stat Membru msemmi f'dak l-Anness.

Emenda 39

Proposta għal regolament

Artikolu 11 – titolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Ir-Reġistru

Ir-Reġistru Ewropew

Emenda 40

Proposta għal regolament

Artikolu 11 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-kontabbiltà preċiża skont dan ir-Regolament permezz tar-Reġistru tal-Unjoni stabbilit skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, inklużi l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet, il-flessibbiltajiet eżerċitati skont l-Artikoli 4 sa 7, il-konformità skont l-Artikolu 9 u t-tibdil fil-kopertura skont l-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament. L-Amministratur Ċentrali għandu jwettaq kontroll awtomizzat fuq kull tranżazzjoni skont dan ir-Regolament u, fejn meħtieġ, iwaqqaf xi tranżazzjonijiet biex jiżgura li ma jkunx hemm irregolaritajiet. Din l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku.

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-kontabbiltà preċiża skont dan ir-Regolament permezz tar-Reġistru tal-Unjoni stabbilit skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 . Il-Kummissjoni għandha , għal dak il-għan, tadotta att delegat f'konformità mal-Artikolu 12 biex tissupplimenta dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward ta' allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet, il-flessibbiltajiet eżerċitati skont l-Artikoli 4 sa 7, il-konformità skont l-Artikolu 9 u t-tibdil fil-kopertura skont l-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament. L-Amministratur Ċentrali għandu jwettaq kontroll awtomizzat fuq kull tranżazzjoni skont dan ir-Regolament u, fejn meħtieġ, iwaqqaf xi tranżazzjonijiet biex jiżgura li ma jkunx hemm irregolaritajiet. Is-sistema tar-reġistru Ewropew għandha tkun trasparenti u tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha dwar it-trasferiment tal-kwoti bejn l-Istati Membri. Din l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta' sit web apposta ospitat mill-Kummissjoni .

Emenda 41

Proposta għal regolament

Artikolu 11 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.     Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat biex jiġi implimentat il-paragrafu 1 skont l-Artikolu 12 ta'dan ir-Regolament.

imħassar

Emenda 42

Proposta għal regolament

Artikolu 11a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 11a

 

L-impatt fuq il-klima tal-finanzjament tal-Unjoni

 

Il-Kummissjoni għandha twettaq studju transsettorjali komprensiv tal-impatt tal-finanzjament mogħti mill-baġit tal-Unjoni jew inkella skont id-dritt tal-Unjoni fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

 

Sal-1 ta' Jannar 2019, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-rapport dwar is-sejbiet tal-istudju li għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposti leġiżlattivi mmirati lejn it-twaqqif ta' kwalunkwe finanzjament tal-Unjoni li ma jkunx kompatibbli mal-miri ta' tnaqqis ta' CO2 jew mal-politiki tal-Unjoni. Dan għandu jinkludi l-proposta ta' kontroll tal-kompatibbiltà klimatika ex-ante obbligatorja li tapplika għal kull investiment ġdid tal-Unjoni mill-1 ta' Jannar 2020 u l-obbligu li r-riżultati jsiru pubbliċi b'mod trasparenti u aċċessibbli.

Emenda 43

Proposta għal regolament

Artikolu 12 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 7(2) u 11 ta' dan ir-Regolament għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien mhux determinat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament .

2.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli  4(3), l-Artikolu 4a, l-Artikolu 6(3a), l-Artikolu  7(2) , l-Artikolu 9a l-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin minn … [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

Emenda 44

Proposta għal regolament

Artikolu 12 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.   Id-delega tas-setgħat msemmija fl-Artikoli 7(2) u 11 jistgħu' jiġu revokati fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' atti delegati diġà fis-seħħ.

3.   Id-delega tas-setgħat msemmija fl-Artikoli  4(3), l-Artikolu 4a, l-Artikolu 6(3a), l-Artikolu  7(2) , l-Artikolu 9a l-Artikolu  11 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' atti delegati diġà fis-seħħ.

Emenda 45

Proposta għal regolament

Artikolu 12 – paragrafu 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

6.   Att delegat li jkun ġie adottat skont l-Artikoli 7(2) u 11 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu esprimew xi oġġezzjoni f'perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni li ma għandhomx oġġezzjonijiet. Dak il-perjodu jiġi estiż b'xahrejn b'inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

6.   Att delegat li jkun ġie adottat skont l-Artikoli  4(3), Artikolu 4a, Artikolu 6(3a) Artikolu  7(2) , Artikolu 9a u l-Artikolu  11 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu esprimew xi oġġezzjoni f'perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni li ma għandhomx oġġezzjonijiet. Dak il-perjodu jiġi estiż b'xahrejn b'inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Emenda 46

Proposta għal regolament

Artikolu 13

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 13

imħassar

Proċedura ta' kumitat

 

1.     Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejuna mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 525/2013. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

 

2.     Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

 

Emenda 47

Proposta għal regolament

Artikolu 14 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

1.     Fi żmien sitt xhur mid-djalogu faċilitattiv taħt l-UNFCCC fl-2018, il-Kummissjoni għandha tippubblika komunikazzjoni li tivvaluta l-konsistenza tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija skont l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi. B'mod partikolari, il-komunikazzjoni għandha teżamina r-rwol u l-adegwatezza tal-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, u l-konsistenza ta' atti leġislattivi tal-Unjoni fil-qasam tal-klima u l-enerġija, inklużi r-rekwiżiti tal-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, kif ukoll atti leġislattivi fil-qasam tal-agrikoltura u t-trasport, flimkien mal-impenn tal-UE għat-tnaqqis tal-gassijiet serra.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-28 ta' Frar 2024 u kull ħames snin wara dan dwar l-operat ta' dan ir-Regolament, il-kontribut tiegħu għall-mira globali tal-UE tal-2030 ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u l-kontribut tiegħu għall-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, u tagħmel il-proposti jekk ikun meħtieġ.

2.    Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-28 ta' Frar 2024 wara l-ewwel rendikont globali tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi fl-2023 fi żmien sitt xhur mir-rendikonti globali sussegwenti wara dan, dwar l-operat ta' dan ir-Regolament, il-kontribut tiegħu għall-mira globali tal-UE tal-2030 ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u l-kontribut għall-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi. Ir-rapport għandu, jekk ikun jixraq, ikun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi biex iżidu t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Istati Membri.

 

Ir-reviżjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Istati Membri għall-perjodu mill-2031 'l quddiem għandu jqis il-prinċipji ta' ġustizzja u kosteffikaċja fid-distribuzzjoni bejn l-Istati Membri.

 

Dan għandu wkoll jieħu kont tal-progress li jkun sar mill-Unjoni u minn pajjiżi terzi lejn l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi kif ukoll il-progress li sar biex jistimulaw u jsostnu finanzjament privat bħala appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju.

Emenda 48

Proposta għal regolament

Artikolu 15a (ġdid)

Deċiżjoni (UE) 2015/1814

Artikolu 1 – paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 15a

 

Emendi għad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814

 

L-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 huwa sostitwit b'dan li ġej:

 

“4.     Il-Kummissjoni għandha tippubblika n-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni kull sena, sal-15 ta' Mejju tas-sena sussegwenti. In-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni għal sena partikolari għandu jkun in-numru kumulattiv ta' kwoti maħruġa fil-perjodu mill-1 ta' Jannar 2008, inkluż in-numru maħruġ skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/87/KE f'dak il-perjodu u d-drittijiet biex jintużaw il-krediti internazzjonali eżerċitati mill-installazzjonijiet taħt l-EU ETS fir-rigward tal-emissjonijiet sal-31 ta' Diċembru ta' dik is-sena partikolari, li minnu jitnaqqas tunnellati kumulattivi ta' emissjonijiet ivverifikati mill-installazzjonijiet skont l-EU ETS bejn l-1 ta' Jannar 2008 u l-31 ta' Diċembru ta' dik l-istess sena partikolari, kwalunkwe kwota kkanċellata skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE għajr il-kwoti kkanċellati skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2017/…  (*1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u l-għadd ta' kwoti fir-riżerva. Ma għandhomx jitqiesu l-emissjonijiet matul il-perjodu ta' tliet snin li jibda mill-2005 u jispiċċa fl-2007 u l-kwoti maħruġa fir-rigward ta' dawk l-emissjonijiet. L-ewwel pubblikazzjoni għandha sseħħ sal-15 ta' Mejju 2017.


(1)  Il-każ ġie mgħoddi lura għal negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 59(4) (A8-0208/2017).

(16)  COM(2015)0080

(16)  COM(2015)0080

(19)  Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).

(19)  Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).

(1a)   Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1).

(21)   Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).