ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 315

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
7 ta' Settembru 2018


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 315/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8908 — AXA/XL Group) ( 1 )

1

2018/C 315/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8862 — GBT/HRG) ( 1 )

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 315/03

Rata tal-kambju tal-euro

2

2018/C 315/04

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Settembru 2018 li taħtar il-President u l-Viċi President indipendenti permanenti ta’ livell għoli tal-Bord imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament Finanzjarju) għall-perjodu li fadal tal-mandat attwali tagħhom

3

2018/C 315/05

Opinjoni tal-kumitat konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-11 ta’ April 2018 dwar abbozz ta’ deċiżjoni relatat mal-Każ M.7993 — Altice/PT Portugal (Proċedura tal-Artikolu 14(2)) — Ir-Relatur: Franza

5

2018/C 315/06

Opinjoni tal-kumitat konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tat-23 ta’ April 2018 dwar abbozz preliminari ta’ deċiżjoni marbuta mal-Każ M.7993 — Altice/PT Portugal (Il-proċedura tal-Artikolu 14(2)) — Ir-Relatur: Franza

6

2018/C 315/07

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — Il-Każ M.7993 — Altice/PT Portugal (Il-Proċedura tal-Artikolu 14(2))

7

2018/C 315/08

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ April 2018 li timponi multi skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet Altice N.V. talli kisret l-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (Il-Każ M.7993 — Altice/PT Portugal (il-proċedura tal-Artikolu 14(2)))

11

 

Il-Qorti tal-Awdituri

2018/C 315/09

Rapport Speċjali Nru 21/2018 — L-għażla u l-monitoraġġ ta’ proġetti taħt il-FEŻR u l-FSE fil-perjodu 2014–2020 għadhom prinċipalment orjentati lejn l-outputs

20


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 315/10

Sejħiet għal proposti u attivitajiet relatati taħt il-Programm ta’ Ħidma ERC 2019 taħt Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020)

21

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 315/11

Avviż dwar l-iskadenza ta’ ċerti miżuri kontra s-sussidju

22

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 315/12

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.9052 — Kirin/Mitsui/Thorne) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

23

2018/C 315/13

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.8952 — STEAG/Siemens/JV STEAG GuD) ( 1 )

25


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

7.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8908 — AXA/XL Group)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 315/01)

Fid-9 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32018M8908. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


7.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8862 — GBT/HRG)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 315/02)

Fit-13 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32018M8862. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

7.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/2


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Is-6 ta’ Settembru 2018

(2018/C 315/03)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1634

JPY

Yen Ġappuniż

129,55

DKK

Krona Daniża

7,4567

GBP

Lira Sterlina

0,89824

SEK

Krona Żvediża

10,5908

CHF

Frank Żvizzeru

1,1275

ISK

Krona Iżlandiża

127,80

NOK

Krona Norveġiża

9,7760

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,715

HUF

Forint Ungeriż

326,49

PLN

Zloty Pollakk

4,3183

RON

Leu Rumen

4,6385

TRY

Lira Turka

7,6282

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6164

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5338

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,1324

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7633

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6000

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 304,76

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

17,8233

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,9451

HRK

Kuna Kroata

7,4341

IDR

Rupiah Indoneżjan

17 323,54

MYR

Ringgit Malażjan

4,8120

PHP

Peso Filippin

62,592

RUB

Rouble Russu

79,5747

THB

Baht Tajlandiż

38,130

BRL

Real Brażiljan

4,7918

MXN

Peso Messikan

22,3653

INR

Rupi Indjan

83,7175


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


7.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/3


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Settembru 2018

li taħtar il-President u l-Viċi President indipendenti permanenti ta’ livell għoli tal-Bord imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament Finanzjarju) għall-perjodu li fadal tal-mandat attwali tagħhom

(2018/C 315/04)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 143(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bord huwa l-ġebla tax-xewka tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES, minn hawn ’il quddiem magħruf bħala l-“Bord tal-EDES”). Imwaqqaf fl-2016, dan il-Bord interistituzzjonali għandu l-kompitu primarju (jew fost l-oħrajn) li joħroġ rakkomandazzjonijiet fuq talba tal-Uffiċjali tal-Awtorizzazzjoni tal-Istituzzjonijiet u l-korpi kollha dwar l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi (esklużjoni mill-għoti ta’ fondi tal-UE u/jew impożizzjoni ta’ penali finanzjarji) fuq atturi ekonomiċi li mhumiex affidabbli.

(2)

Wara sejħa pubblika għal espressjoni ta’ interess u għażla minn bord ta’ tliet Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni, il-Kulleġġ iddeċieda, fil-5 ta’ Lulju 2016 (PV(2016) 2176), li jaħtar lis-Sur Christian PENNERA, eks Ġurikonsult u Direttur Ġenerali tas-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew, u s-Sa Maria Isabel ROFES i PUJOL, eks Imħallef fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bħala President u Viċi President tal-Bord tal-EDES rispettivament bħal mandat ta’ ħames snin li jintemm fil-4 ta’ Lulju 2021.

(3)

Fl-20 ta’ Ġunju 2018, il-Kulleġġ iddeċieda wkoll li jaħtar lis-Sur PENNERA u s-Sa ROFES i PUJOL bħala President u Viċi President rispettivament tal-grupp speċjalizzat dwar l-irregolaritajiet finanzjarji tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 73, paragrafu 6, tar-Regolament imħassar (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (minn hawn ’il quddiem “il-Bord tal-ISIF”) għal perjodu ta’ sentejn. Il-Bord tal-ISIF tal-Kummissjoni għandu rwol konsultattiv biex tiġi determinata l-eżistenza u l-konsegwenzi tal-irregolaritajiet finanzjarji mwettqa mill-membri tal-persunal. Ġew imwaqqfa gruppi speċjalizzat dwar l-irregolaritajiet finanzjarji f’istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni.

(4)

Ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid li daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2018 jabbroga l-bordijiet tal-ISIF kollha u jittrasferixxi l-kompetenzi tagħhom lill-Bord tal-EDES. Madankollu dan it-trasferiment tal-kompetenzi tal-Bordijiet tal-ISIF lill-Bord tal-EDES se japplika għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet amministrattivi biss wara l-1 ta’ Jannar 2019.

(5)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-ħatra u l-mandat tal-President, sa fejn huwa kkonċernat it-trattament tal-irregolaritajiet finanzjarji mill-membri tal-Persunal, ikunu għalkollox konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tal-indipendenza tiegħu, u l-kundizzjonijiet stabbiliti għat-tul tal-mandat tiegħu u l-proċedura tal-għażla. Jenħtieġ li dan japplika wkoll għall-Viċi President.

(6)

B’mod partikolari, sabiex l-indipendenza u l-integrità tal-mandat ta’ ħames snin tagħhom bħala President u Viċi President rispettivament tal-Bord tal-EDES jiġu rrispettati, is-Sur Christian PENNERA u s-Sinjura Maria Isabel ROFES i PUJOL jenħtieġ li jiġu maħtura wkoll għall-perjodu li jifdal tal-mandat attwali tagħhom bħala President u Viċi President rispettivament tal-Bord magħqud. Dan huwa neċessarju wkoll minħabba li l-mandat tal-President tal-Bord tal-EDES ma jiġġeddidx. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi sottolinjat li l-proċedura li ġiet segwita fl-2016 biex is-Sur PENNERA u s-Sa ROFES i PUJOL jinħatru bħala President u Viċi President rispettivament tal-Bord tal-EDES tissodisfa r-rekwiżiti kollha tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid għall-ħatra tal-President u l-Viċi President tal-Bord magħqud.

(7)

Bl-għan li tiġi żgurata t-trasparenza u li l-atturi ekonomiċi, kif ukoll il-persunal tal-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni, tal-uffiċċji u l-aġenziji Ewropej, jiġu infurmati kif xieraq, jenħtieġ li dawn il-ħatriet jiġu ppubblikati u notifikati lil istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni, korpi tal-Unjoni, uffiċċji u aġenziji Ewropej,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ħatriet

Is-Sur Christian PENNERA u s-Sa Maria Isabel ROFES i PUJOL huma maħtura bħala President u Viċi President rispettivament tal-Bord imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament Finanzjarju għall-bqija tal-mandat tagħhom ta’ ħames snin, kif ġie deċiż mill-Kulleġġ fil-5 ta’ Lulju 2016 (PV (2016) 2176).

Artikolu 2

Kuntratti bħala Konsulenti Speċjali

Kif previst fl-Artikolu 143(3) tar-Regolament Finanzjarju, is-Sur Christian PENNERA u s-Sa Maria Isabel ROFES i PUJOL huma annessi amministrattivament bħala Konsulenti Speċjali mal-Kummissarju OETTINGER f’konformità mar-Regoli għall-Konsulenti Speċjali C(2007) 6655 tad-19 ta’ Diċembru 2007, kif emendati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 541 tas-6 ta’ Frar 2014.

1.

B’rispett għall-indipendenza tas-Sur PENNERA u s-Sa ROFES i PUJOL u t-tul tal-mandat tagħhom, il-kuntratti tagħhom ta’ Konsulenti Speċjali se jiġġeddu sa tmiem il-mandat tagħhom. Il-kuntratt tas-Sur PENNERA jinkludi 70 jum tax-xogħol u 35 jum ta’ missjoni, u l-kuntratt tas-Sa ROFES i PUJOL jinkludi 60 jum tax-xogħol u 35 jum ta’ missjoni. L-għadd ta’ jiem tax-xogħol jista’ jiġi emendat permezz ta’ deċiżjonijiet amministrattivi u baġitarji. Is-Sur PENNERA u s-Sa ROFES i PUJOL se jirċievu miżata għal kull ġurnata xogħol, ikkalkulata abbażi tas-salarju bażiku ta’ Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea fil-grad AD 16, skala 1.

2.

Il-kuntratti tas-Sur PENNERA u s-Sa ROFES i PUJOL bħala President u Viċi President rispettivament tal-grupp speċjalizzat dwar l-irregolaritajiet finanzjarji tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 73, paragrafu 6, tar-Regolament imħassar (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2018.

3.

Il-Kummissarju OETTINGER huwa awtorizzat li jemenda, soġġett għad-disponibbiltà ta’ fondi suffiċjenti, il-kuntratti tal-Konsulenti Speċjali fil-każ ta’ ħtiġijiet debitament ġustifikati.

4.

Id-Direttur Ġenerali tad-DĠ Riżorsi Umani huwa awtorizzat li jimplimenta din id-deċiżjoni billi jiffirma l-kuntratti f’isem l-Awtorità Responsabbli biex Tikkonkludi l-Kuntratti ta’ Impjieg.

Artikolu 3

Pubblikazzjoni u notifika

Id-Direttorat Ġenerali tad-DĠ Riżorsi Umani huwa struwit li jippubblika dawn il-ħatriet fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali u li jinnotifikahom lill-Istituzzjonijiet l-oħrajn tal-Unjoni, lill-korpi tal-Unjoni, lill-uffiċċji u lill-aġenziji Ewropej.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Settembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


7.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/5


Opinjoni tal-kumitat konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-11 ta’ April 2018 dwar abbozz ta’ deċiżjoni relatat mal-Każ M.7993 — Altice/PT Portugal (Proċedura tal-Artikolu 14(2))

Ir-Relatur: Franza

(2018/C 315/05)

1.   

Il-Kumitat Konsultattiv (13-il Stat Membru) jaqbel mal-Kummissjoni li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-Ftehim tat-Tranżazzjoni konkluż bejn Altice u Oi mar lil hinn minn dak li kien meħtieġ sabiex jiġi preservat il-valur tan-negozju fil-mira u ta lil Altice l-possibbiltà li teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-avviż pendenti tal-Mira u d-Deċiżjoni tal-Approvazzjoni tal-Kummissjoni.

2.   

Il-Kumitat Konsultattiv (13-il Stat Membru) jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li fil-każijiet deskritti fid-Deċiżjoni (jiġifieri l-Kampanja ta’ Ħlas Wara, il-kuntratt tal-kanal televiżiv Porto Canal, l-għażla ta’ fornitur tar-RAN, il-kuntratt ta’ Vidjows fuq Domanda, il-kuntratt DOG TV, l-ishma SIRESP u l-kuntratt Lactogal) Altice marret lil hinn minn dak li kien meħtieġ sabiex jiġi preservat il-valur tan-negozju tal-Mira u eżerċitat influwenza determinanti fuq l-avviż u/jew id-Deċiżjoni tal-Approvazzjoni tal-Kummissjoni pendenti tal-Mira, kif ikun xieraq.

3.   

Il-Kumitat Konsultattiv (13-il Stat Membru) jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-iskambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva kkontribwixxew għall-eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva fuq ċerta mġiba li tappartjeni għall-avviż pendenti tal-Mira u d-Deċiżjoni tal-Approvazzjoni tal-Kummissjoni u ma tistax tkun iġġustifikata fuq il-bażi tal-ħtieġa ta’ li tippreserva l-valur tan-negozju fil-Mira.

4.   

Il-Kumitat Konsultattiv (13-il Stat Membru) jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li Altice tal-inqas b’mod negliġenti, kisret l-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (1).

5.   

Il-Kumitat Konsultattiv (13-il Stat Membru) jaqbel mal-Kummissjoni li Altice tal-inqas b’mod negliġenti, kisret l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

6.   

Il-Kumitat Konsultattiv (13-il Stat Membru) jaqbel mal-Kummissjoni li Altice jenħtieġ li tiġi mmultata fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a) u l-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

7.   

Il-Kumitat Konsultattiv (13-il Stat Membru) jirrakkomanda l-pubblikazzjoni tal-opinjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).


7.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/6


Opinjoni tal-kumitat konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tat-23 ta’ April 2018 dwar abbozz preliminari ta’ deċiżjoni marbuta mal-Każ M.7993 — Altice/PT Portugal (Il-proċedura tal-Artikolu 14(2))

Ir-Relatur: Franza

(2018/C 315/06)

1.   

Il-Kumitat Konsultattiv (sitt Stati Membri) jaqbel mal-fatturi li tqiesu bħala rilevanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi għal Altice skont l-Artikolu 14(2)(a) u l-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (1).

2.   

Il-Kumitat Konsultattiv (sitt Stati Membri) jaqbel mal-livell attwali tal-multi proposti mill-Kummissjoni.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).


7.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/7


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Il-Każ M.7993 — Altice/PT Portugal (Il-Proċedura tal-Artikolu 14(2))

(2018/C 315/07)

Introduzzjoni

1.

Fid-9 ta’ Diċembru 2014, Altice S.A. u Altice Portugal S.A ffirmaw ftehim għax-xiri ta’ PT Portugal (2) minn Oi (3) (il-“Ftehim tat-Tranżazzjoni”). Fit-18 ta’ Diċembru 2014, Altice S.A. bdiet diskussjonijiet ta’ avviż minn qabel mal-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) sabiex tikseb l-approvazzjoni tal-kontroll tal-għaqda għal dan l-akkwist. Fil-25 ta’ Frar 2015 Altice S.A (4). formalment innotifikat it-tranżazzjoni lill-Kummissjoni, flimkien ma’ offerta għal rimedji skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (5). Il-Kummissjoni esprimiet dubji serji fir-rigward tal-għaqda mas-suq intern, fejn sabet tħassib f’għadd ta’ swieq affettwati b’mod orizzontali.

2.

Fl-20 ta’ April 2015, il-Kummissjoni approvat it-tranżazzjoni kondizzjonalment wara l-offerta ta’ rimedju riveduta ta’ Altice (id-“Deċiżjoni tal-Approvazzjoni”). Altice ħabbret li kienet għalqet it-tranżazzjoni fit-2 ta’ Ġunju 2015.

3.

Fit-13 ta’ April 2015, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni (request for information, “RFI”) biex Altice tagħti d-dettalji dwar l-iskop u l-kontenut ta’ żjarat minn eżekuttivi ta’ Altice lil PT Portugal, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Approvazzjoni, li l-istampa Portugiża kienet irrappurtat. Altice wieġbet għal dan fis-17 ta’ April 2015.

4.

Il-Kummissjoni bagħtet RFI ulterjuri fit-12 ta’ Mejju 2015 (li tiffoka fuq dokumenti li jirrelataw mal-laqgħat ta’ Altice u PT Portugal), fejn Altice wieġbet fit-12 ta’ Ġunju 2015, iżda pprovdiet biss dokumenti Altice (u mhux ta’ PT Portugal).

5.

Fit-8 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet fejn talbet lil Altice biex tipprovdi dokumenti reattivi ta’ PT Portugal. Altice wieġbet fit-30 ta’ Lulju 2015. Il-Kummissjoni bagħtet RFI oħra lil Altice fl-4 ta’ Diċembru 2015 u din wieġbet fit-18 ta’ Diċembru 2015.

6.

Fil-15 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li titlob lil Altice biex tipprovdi (inter alia) il-kaxxi postali elettroniċi tal-persunal, il-ftehimiet ta’ kunfidenzjalità u li għandhom x’jaqsmu speċifikament ma’ ċerti interazzjonijiet bejn Altice u PT Portugal qabel l-20 ta’ April 2015. Altice ppreżentat id-dokumenti mitluba fis-6 ta’ April 2016.

7.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni bagħtet RFIs lil Altice fl-20 ta’ Lulju 2016, fl-24 ta’ Awwissu 2016, fis-27 ta’ Settembru 2016 u fil-21 ta’ Diċembru 2016 li għalihom Altice wieġbet.

Dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet

8.

Fit-18 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni nnotifikat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) lil Altice. Fid-DO, il-Kummissjoni adottat il-fehma preliminari li Altice kienet implementat konċentrazzjoni b’dimensjoni tal-Unjoni bi ksur tal-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. B’mod aktar speċifiku, il-fehma preliminari tal-Kummissjoni fid-DO kienet li l-Ftehim tat-Tranżazzjoni diġà tat lil Altice d-dritt ġuridiku li teżerċita influwenza deċiżiva fuq PT Portugal. Barra minn hekk, il-valutazzjoni proviżorja tal-Kummissjoni kienet li Altice effettivament eżerċitat influwenza deċiżiva PT Portugal qabel id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni u, f’ċerti każijiet, qabel l-avviż lill-Kummissjoni minn (a) dawk li jkunu involuti f’ċerti deċiżjonijiet kummerċjali ta’ PT Portugal u (b) billi sistematikament tirċievi informazzjoni kummerċjalment sensittiva minn PT Portugal.

9.

L-iskadenza għat-tweġiba għad-DO għall-ewwel kienet is-26 ta’ Ġunju 2017, iżda sussegwentement ġiet estiża sat-18 ta’ Awwissu 2017.

10.

Altice rċeviet aċċess għall-fajl fid-29 ta’ Mejju 2017. L-ebda kwistjoni dwar l-aċċess għall-fajl ma nġabet għall-attenzjoni tiegħi.

Seduta ta’ smigħ

11.

Fit-tweġiba għad-DO tagħha tat-18 ta’ Awwissu 2017, Altice talbet l-opportunità li tiżviluppa l-argumenti tagħha f’seduta orali formali li saret fil-21 ta’ Settembru 2017. Fid-19 ta’ Ottubru 2017, Altice pprovdiet addendum għall-preżentazzjoni tagħha waqt is-seduta bi tweġiba għall-kummenti u l-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni matul is-seduta dwar l-involviment Altice f’ċerti materji ta’ negozju ta’ PT Portugal (6).

Ittra tal-fatti

12.

Fit-tweġiba tagħha għad-DO u waqt is-seduta ta’ smigħ orali, Altice argumentat li l-Kummissjoni jmissha kkuntattjat lil Oi, peress li l-interpretazzjoni ta’ Oi tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni u d-deċiżjonijiet tagħhu dwar jekk Altice għandhiex tiġi kkonsultata jew le matul il-perjodu ta’ qabel l-għeluq kellha rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-patti ta’ qabel l-għeluq tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni.

13.

Fid-dawl ta’ dawn il-kummenti, il-Kummissjoni bagħtet RFI lil Oi fis-6 ta’ Ottubru 2017. Oi bagħtet it-tweġiba tagħha fl-20 ta’ Ottubru 2017.

14.

Fis-16 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni bagħtet Ittra ta’ Fatti lil Altice fejn indikat elementi fattwali mhux imsemmija fid-DO li appoġġaw il-konklużjonijiet preliminari stabbiliti fid-DO. L-Ittra tal-Fatti rreferiet kemm għall-elementi fattwali li kienu jinsabu fil-fajl, kif ukoll għal elementi fattwali addizzjonali identifikati wara d-DO (b’mod aktar speċifiku, it-tweġiba tar-RFI ta’ Oi tal-20 ta’ Ottubru 2017).

15.

Altice ngħatat sas-30 ta’ Novembru 2017 sabiex tippreżenta l-kummenti bil-miktub tagħha għall-Ittra tal-Fatti. Hija talbet estensjoni tal-iskadenza bi tmien ġimgħat sas-26 ta’ Jannar 2018. Ingħatat estensjoni sal-15 ta’ Diċembru 2017 u f’din id-data Altice pprovdiet it-tweġiba tagħha għall-Ittra tal-Fatti.

16.

Fit-28 ta’ Diċembru 2017, Altice bagħtet ittra lill-Uffiċjal tas-Seduta, fejn ilmentat dwar ċerti punti proċedurali li huma diskussi aktar hawn taħt.

Kwistjonijiet proċedurali mqajma minn Altice fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża

L-involviment ta’ Oi fl-investigazzjoni

17.

Kif imsemmi hawn fuq, fit-tweġiba tagħha għad-DO u waqt is-seduta ta’ smigħ orali, Altice argumentat li l-Kummissjoni jmissha kkuntattjat Oi matul l-investigazzjoni tagħha. Skont Altice, billi rrifjutat li tikkonsulta lil Oi, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi li huma rilevanti għall-valutazzjoni tal-kawża, u b’hekk kisret id-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ tagħha u d-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba.

18.

Inqis li l-allegazzjoni ta’ Altice mhijiex sostenibbli. L-ewwel nett, il-qrati tal-UE kkonfermaw li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni raġonevoli sabiex tiddeċiedi dwar l-intesess li jista’ jkollu s-smigħ ta’ persuni li x-xhieda tagħhom tista’ tkun rilevanti għall-inkjesta (7). Barra minn hekk, il-garanzija tad-drittijiet tad-difiża ma tirrikjedix li l-Kummissjoni twettaq aktar investigazzjonijiet meta hija tqis li l-investigazzjoni tal-każ kienet suffiċjenti (8). Fi kwalunkwe każ, kif imsemmi hawn fuq, wara s-seduta orali, il-Kummissjoni bagħtet RFI lil Oi sabiex tikseb il-fehmiet ta’ Oi dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni fil-prattika tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni. Fit-tweġiba tagħha għall-Ittra tal-Fatti (fejn Altice ngħatat l-opportunità li tikkummenta dwar it-tweġiba ta’ Oi għar-RFI tal-Kummissjoni) u fl-ittra tagħha lill-Uffiċjal tas-Seduta tas-Smigħ it-28 ta’ Diċembru 2017, Altice sostniet ulterjorment li l-Kummissjoni ma investigatx biżżejjed ir-rwol u l-perspettiva ta’ Oi. Fuq dan il-punt, madankollu, għandi nosserva li kemm jekk il-fajl tal-investigazzjoni jew le fihx evidenza suffiċjenti sabiex isostni l-konstatazzjoni ta’ ksur hija fl-aħħar mill-aħħar kwistjoni ta’ sustanza.

19.

Altice argumentat ukoll li l-involviment ta’ Oi fl-investigazzjoni kien estremament importanti minn perspettiva proċedurali u li, bħala tali, it-tweġibiet ta’ Oi kellhom jiġu ppreżentati f’dikjarazzjoni supplimentari tal-oġġezzjonijiet addizzjonali aktar milli Ittra ta’ Fatti. Jien ma naqbilx mal-valutazzjoni ta’ Altice f’dan ir-rigward: It-tweġibiet ta’ Oi għar-RFI huma elementi fattwali rilevanti għall-oġġezzjonijiet eżistenti tal-Kummissjoni fid-DO. Din it-tip ta’ evidenza hija ppreżentata f’ittra tal-fatti u mhux f’dikjarazzjoni supplementari ta’ oġġezzjonijiet.

In-neċessità u l-proporzjonalità tar-RFIs tal-Kummissjoni mibgħuta matul l-investigazzjoni

20.

Fit-tweġiba tagħha għad-DO, Altice argumentat li r-RFIs tal-Kummissjoni mibgħuta lil Altice matul l-investigazzjoni kienu sproporzjonati għall-ħtiġijiet tal-investigazzjoni minħabba l-volum ta’ informazzjoni mitluba u fid-dawl tal-iskadenzi stabbiliti mill-Kummissjoni biex twieġeb għal dawn ir-RFIs.

21.

Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, huwa biżżejjed li jingħad li Altice ma eżerċitax id-drittijiet proċedurali sħaħ tagħha f’dan ir-rigward. Għalkemm it-Termini ta’ Referenza ma jagħtux speċifikament setgħat lill-Uffiċjal tas-Seduta biex jestendi l-iskadenzi fil-każ ta’ ksur proċedurali tar-regoli ta’ kontroll tal-fużjoni (9), Altice setgħet talbet estensjoni ulterjuri ta’ żmien mill-Kummissjoni jew appellat kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2015 u l-15 ta’ Marzu 2016 quddiem il-Qorti Ġenerali.

Il-kritika proċedurali ta’ Altice dwar l-Ittra tal-Fatti

22.

Fit-tweġiba għall-Ittra tal-Fatti u sussegwentement fl-ittra tiegħu tat-28 ta’ Diċembru 2017 lill-Uffiċjal tas-Seduta, Altice lmentat dwar il-kwistjonijiet proċedurali li ġejjin relatati mal-Ittra ta’ Fatti:

Skont Altice, il-Kummissjoni diġà kellha għarfien tal-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Ittra tal-Fatti fiż-żmien tad-DO u deliberatament għażlet li ma ssemmix dawn l-elementi fid-DO. Skont Altice, il-fatt li l-Kummissjoni ma inkluditx dawn l-elementi fid-DO ma ppermettietx li dawn l-elementi jiġu diskussi bejn Altice u l-Kummissjoni matul il-proċeduri kollha, inkluż waqt is-smigħ orali.

Barra minn hekk, Altice argumentat li l-Ittra tal-Fatti elenkat 19-il kwistjoni li dwarhom Altice ġiet ikkonsultata mingħajr ma spjegat ir-raġuni li għaliha tikkunsidra li dawn il-kwistjonijiet jikkorroboraw is-sejbiet preliminari stabbiliti fid-DO. Skont Altice, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda karatterizzazzjoni ġuridika għall-elementi l-ġodda tal-ksur introdotti fl-Ittra tal-Fatti u l-istatus tal-kwistjonijiet imsemmija fin-nota 4 f’qiegħ il-paġna tal-Ittra tal-Fatti ma kienx ċar.

23.

Irrid ninnota dan li ġej f’dan ir-rigward: L-ewwel nett, il-Kummissjoni ppreżentat informazzjoni eżistenti addizzjonali mill-fajl tagħha fl-Ittra tal-Fatti għaliex il-Kummissjoni qieset li din l-evidenza kontradixxiet ċerti talbiet magħmula minn Altice fit-tweġiba tagħha għad-DO. Il-Kummissjoni, kif issostni Altice, ma għażlitx deliberatament li ma ssemmix dawn l-elementi fid-DO. It-tieni nett, kif spjegat fl-abbozz tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni (a) investigat it-talba ta’ Altice li kien hemm diversi deċiżjonijiet meħuda minn PT Portugal bejn l-iffirmar u r-rilaxx fejn Altice ma kinitx ikkonsultata, (b) ivverifikat l-każijiet li fihom il-kunsens ta’ Altice kien mitlub permezz ta’ ittri formali ta’ Oi, u (c) każijiet misjuba (minbarra dawk imsemmija fid-DO) fejn il-kunsens ta’ Altice kien mitlub fejn Altice kienet stqarret li ma kinitx ġiet ikkonsultata jew saħansitra infurmata dwar dan. Dawn il-punti ma jiffurmawx oġġezzjonijiet ġodda kontra Altice u ma jintużawx kontra Altice fl-abbozz ta’ deċiżjoni bħala sitwazzjonijiet fejn l-eżerċizzju ta’ influenza deċiżiva huwa muri, iżda jkunu użati biss biex jwieġbu għall-allegazzjoni ta’ Altice li ma ġietx ikkonsultata fuq jew infurmata ta’ ħafna deċiżjonijiet meħuda minn PT Portugal bejn l-iffirmar u l-approvazzjoni.

Talba għat-tieni seduta orali

24.

Fl-ittra tagħha tat-28 ta’ Diċembru 2017, Altice talbet ukoll li tiġi organizzata seduta orali ġdida.

25.

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (10) (moqri flimkien mal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 802/2004) jipprevedi biss id-dritt li jintalab smigħ orali formali fil-kummenti bil-miktub għad-DO, mhux f’kummenti għal ittra ta’ fatti. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE. Mis-16 ta’ Novembru 2017 l-Ittra tal-Fatti ma kienx fiha xi oġġezzjonijiet ġodda kontra Altice li ma kinux ġewx stipulati fid-DO, ma skattax id-dritt għal proċedura formali oħra ta’ smigħ orali.

Informazzjoni addizzjonali għal parteċipanti fis-seduta ta’ smigħ orali

26.

Fl-ittra tagħha tat-28 ta’ Diċembru 2017, Altice indikat ukoll li, fid-dawl tal-elementi ppreżentati mill-Kummissjoni fl-Ittra tal-Fatti tagħha, Altice għandha tipprovdi verżjoni ġdida tas-slide deck li kien ġie ppreżentat fis-seduta ta’ smigħ orali. Altice pprovdiet tali verżjoni aġġornata tal-preżentazzjoni fit-18 ta’ Jannar 2018. Din il-verżjoni tqassmet lill-parteċipanti kollha fis-seduta ta’ smigħ orali.

Abbozz ta’ Deċiżjoni

27.

Fl-abbozz ta’ deċiżjoni, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li Altice kienet, tal-inqas b’mod negliġenti, implementat konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

28.

Irrevedejt l-abbozz tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 16(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE u kkonkludejt li dan jittratta biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

Konklużjoni

29.

Kollox ma’ kollox, nikkonkludi li l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet proċedurali, f’dan il-każ, ġie rrispettat.

Brussell, it-23 ta’ April 2018.

Joos STRAGIER


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

(2)  PT Portugal SGPS S.A., operatur ta’ telekomunikazzjoni u multimedjali fil-Portugall.

(3)  Oi S.A., operatur tat-telekomunikazzjonijiet Brażiljana.

(4)  Għalkemm Altice S.A. kienet il-Parti Notifikanti fit-tranżazzjoni (M.7499), fid-9 ta’ Awwissu 2015, Altice S.A. ngħaqdet ma’ Altice N.V. - il-kumpanija azzjonarja ġdida tal-grupp Altice - fejn bħala riżultat Altice SA waqfet teżisti. Altice N.V., bħala suċċessur legali ta’ Altice S.A., hija d-destinatarja tal-abbozz tad-Deċiżjoni. Altice S.A. u Altice N.V. huma msemmija bħala “Altice” f’dan ir-rapport.

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(6)  Dan l-addendum tqassam lill-parteċipanti kollha fis-seduta ta’ smigħ orali. Fit-18 ta’ Jannar 2018 Altice pprovdiet verżjoni aġġornata tal-preżentazzjoni li tqis it-tweġiba tagħha għall-Ittra tal-Fatti (ara l-paragrafu 26 hawn taħt).

(7)  Ara pereżempju, T-9/99 HFB u Oħrajn v. il-Kummissjoni, EU:T:2002:70, paragrafu 383; T-655/11 FSL v. il-Kummissjoni, EU:T:2015:383, il-paragrafu 406.

(8)  Ara pereżempju, T-141/94 Thyssen Stahl v. il-Kummissjoni, EU:T:1999:48, paragrafu 110; T-758/14 Infineon Technologies v. il-Kummissjoni, EU:T:2016:737, il-paragrafu 110.

(9)  Ara l-Artikolu 4(2)(c) li tirreferi biss għal estensjonijiet tal-limiti ta’ żmien f’deċiżjonijiet li jitolbu informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003.

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tas-7 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1; ir-rettifik fil-ĠU L 172, 6.5.2004, p. 9).


7.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/11


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-24 ta’ April 2018

li timponi multi skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet Altice N.V. talli kisret l-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet

(Il-Każ M.7993 — Altice/PT Portugal (il-proċedura tal-Artikolu 14(2)))

(2018/C 315/08)

I.   L-ISFOND FATTWALI

a.   L-impriżi kkonċernati u l-konċentrazzjoni

1.

Altice N.V (1). (“Altice”, in-Netherlands) hija kumpanija multinazzjonali tal-kejbil u tat-telekomunikazzjoni. Fil-ħin tal-avviż dwar it-Tranżazzjoni, Altice operat fil-Portugall permezz ta’ żewġ sussidjarji attivi fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, Cabovisão – Televisão por Cabo S.A. (“Cabovisão”) u ONI Telecom — Infocomunicações S.A. (“ONI”).

2.

PT Portugal SGPS S.A. (“PT Portugal” jew il-“Mira”) hija operatur tat-telekomunikazzjonijiet u multimidja b’attivitajiet li jestendu fil-partijiet tat-telekomunikazzjonijiet kollha fil-Portugall.

3.

Fid-9 ta’ Diċembru 2014, Altice S.A., il-kumpanija azzjonarja preċedenti ta’ Altice Group, u Altice Portugal S.A. (2) għamlet Ftehim ta’ Akkwist ta’ Ishma mal-operatur tat-telekomunikazzjoni Brażiljan Oi S.A. (“Oi” jew il-“Bejjiegħ”) fejn Altice S.A. (Lussemburgu), permezz tas-sussidjarja tagħha, Altice Portugal S.A., takkwista l-kontroll esklużiv ta’ PT Portugal fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet permezz ta’ xiri ta’ ishma (it-“Tranżazzjoni” u l-“Ftehim tat-Tranżazzjoni”) (3).

4.

Fil-25 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni rċeviet avviż dwa it-tranżazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Kuntatti ta’ qabel l-avviż mal-Kummissjoni kienu bdew fit-18 ta’ Diċembru 2014. Fl-20 ta’ April 2015, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet flimkien mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, li tiddikjara t-Tranżazzjoni kompatibbli mas-suq intern, suġġett għal konformità sħiħa mal-obbligi u l-kundizzjonijiet Altice annessi mad-deċiżjoni (id-“Deċiżjoni tal-Approvazzjoni”).

b.   L-isfond għall-proċedimenti attwali

5.

Fit-13 ta’ April 2015 il-Kummissjoni kkuntattjat Altice wara rapporti fl-istampa rigward żjarat minn eżekuttivi tal-Altice lil PT Portugal (4) qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-Deċiżjoni tal-Awtorizzazzjoni.

6.

Permezz ta’ ittra bid-data tal-11 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni indikat li kienet qed issir investigazzjoni dwar ksur possibbli minn Altice tal-obbligu ta’ waqfien stabbilit fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u r-rekwiżit tal-avviż stipulat fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

7.

Fit-12 ta’ Mejju 2017, saret laqgħa dwar is-sitwazzjoni attwali bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u Altice; fis-17 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet (“DO”) indirizzata lil Altice skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li tistipula l-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni li Altice kienet kisret l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet; u fil-21 ta’ Settembru 2017, sar smigħ orali (is-“Seduta tas-Smigħ”).

8.

Fis-16 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni indirizzat ittra lil Altice fejn fiha hija ġibdet l-attenzjoni ta’ Altice lejn evidenza addizzjonali fil-fajl tal-Kummissjoni li ssostni s-sejbiet preliminari tad-DO (l-“Ittra tal-Fatti”).

II.   IL-QAFAS ĠURIDIKU

9.

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jiddikjara li:

“Għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’ […]

(b)

l-akkwist, minn persuna jew persuni li diġà tikkontrolla jew jikkontrollaw mill-anqas impriża waħda, jew minn impriża jew minn impriżi, kemm permezz tax-xiri ta’ titoli jew ta’ assi, permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ kull mezz ieħor, ta’ kontroll dirett jew indirett ta’ impriża jew ta’ aktar minn impriża waħda.”

10.

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jiddikjara ulterjorment li:

“Kontroll għandu jkun permezz ta’ drittijiet, kuntratti, jew permezz ta’ kull mezz ieħor li, separatament jew flimkien, fil-kuntest tal-fatti u tal-liġijiet involuti, jikkonferixxu l-possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq impriża, b’mod partikolari permezz ta’: (a) dritt ta’ proprjetà fuq jew dritt ta’ użu mill-assi kollha jew minn parti mill-assi ta’ impriża; (b) drittijiet jew kuntratti li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-organi ta’ impriża.”

11.

Il-Qorti Ġenerali kkonfermat li: “skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament 139/2004, il-kontroll huwa kkostitwit, fost oħrajn, minn drittijiet li jikkonferixxu l-‘possibbiltà’ li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq impriża. L-influwenza deċiżiva hija, għaldaqstant, il-kisba ta’ dan il-kontroll fis-sens formali u mhux l-eżerċizzju effettiv ta’ tali kontroll” (5).

12.

L-Artikolu 4(1), l-ewwel paragrafu, tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jiddikjara li: “Konċentrazzjonijiet b’dimensjoni [tal-Unjoni] definiti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu implimentati u wara l-konklużjoni tal-ftehim, id-dikjarazzjoni tal-offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess li għandu kontroll”.

13.

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jiddikjara li: “Konċentrazzjoni b’dimensjoni [tal-Unjoni] kif definit fl-Artikolu 1, jew konċentrazzjoni li għandha tkun eżaminata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(5), ma għandhiex tkun implimentata qabel tkun notifikata jew qabel ma tkun dikjarata kompatibbli mas-suq komuni permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikoli 6(1)(b), 8(1) jew 8(2), jew abbażi ta’ preżunzjoni skont l-Artikolu 10(6).”

14.

Filwaqt li kemm l-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet huma fundamentali ex ante għall-istruttura tas-sistema tal-kontroll tal-fużjonijiet fl-UE, dawn jistabbilixxu l-prinċipji ġuridiċi distinti u b’hekk jaqdu rwoli komplementari u distinti fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet eżerċitati mill-Kummissjoni.

15.

Fl-aħħar, l-Artikolu 14(2)(a) u (b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jiddikjara li: “Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi ta’ mhux aktar minn 10 % tal-valur tal-bejgħ totali tal-impriża konċernata fis-sens tal-Artikolu 5 fuq il-persuni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) jew l-impriżi konċernati meta, b’intenzjoni jew b’negliġenza, huma:

(a)

jonqsu milli jinnotifikaw konċentrazzjoni skont l-Artikoli 4 jew 22(3) qabel ma tkun implimentata, sakemm mhumiex awtorizzati espressament biex jagħmlu hekk fl-Artikolu 7(2) jew f’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 7(3);

(b)

jimplimentaw konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 7.”

III.   APPLIKAZZJONI FIL-KAWŻA

16.

F’Ottubru 2014, Altice bdiet negozjati ma’ Oi għax-xiri ta’ PT Portugal, li laħqu l-qofol tagħhom fl-iffirmar tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni fid-9 ta’ Diċembru 2014.

17.

Il-Ftehim tat-Tranżazzjoni jistabbilixxi l-prinċipji li bihom Altice u Oi kienu ftiehmu kif il-Mira jenħtieġ li twettaq l-operazzjonijiet tagħha bejn l-iffirmar u l-għeluq. Id-dispożizzjonijiet rilevanti inklużi kemm obbligu pożittiv biex iwettqu l-attivitajiet ta’ PT Portugal fil-perkors normali tan-negozju u f’konformità mal-prattika fil-passat sakemm ma jkunx approvat minn Altice; u obbligu negattiv li ma jwettqux firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet korporattivi, kompetittivi, u kummerċjali mingħajr il-kunsens minn qabel ta’ Altice.

18.

Il-Ftehim tat-Tranżazzjoni ppreveda proċess bil-preżentazzjoni tal-avviżi biex jiffaċilitaw il-kisba ta’ dawn l-approvazzjonijiet. Minbarra dawn il-komunikazzjonijiet, kien hemm kuntatt sikwit u dirett bejn Altice u PT Portugal permezz ta’ telefonati, posta elettronika u laqgħat. PT Portugal talbet il-kunsens minn Altice fuq firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet; irrapportat dwar il-progress ta’ bosta kwistjonijiet li għaddejjin kif ukoll tipprovdi informazzjoni finanzjarja dettaljata u granulari. Barra minn hekk, Oi fittxet l-input u l-kunsens ta’ Oi dwar kwistjonijiet li ma kinux jaqgħu fl-ambitu tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni. Barra minn hekk, PT Portugal kondividiet informazzjoni kunfidenzjali ma’ Altice rigward ħafna aspetti tan-negozju tagħha matul laqgħat fi Frar u Marzu 2015 u pprovdiet ukoll lil Altice b’dettaljati finanzjarji u b’data b’indikatur ta’ prestazzjoni ewlieni (key performance indicator, “KPI”) ta’ kull ġimgħa. Din l-informazzjoni, li Altice aċċettat, kienet granulari, mhux storika u min-natura tagħha, individwalizzata.

19.

L-iskambju ta’ informazzjoni saret bejn PT Portugal u bosta eżekuttivi ta’ PT Portugal u Altice mingħajr ebda salvagwardja — bħal ftehimiet ta’ kunfidenzjalità, ftehimiet ta’ nondivulgazzjoni, jew l-hekk imsejħa arranġamenti tat-tim nadif (6) — jiġu attwati.

20.

Ħafna minn dan l-aġir ta’ Altice, Oi u PT Portugal seħħ fl-isfond ta’ diskussjonijiet ta’ avviż minn qabel u l-investigazzjoni tal-Fażi I tal-Kummissjoni tat-Tranżazzjoni fejn wara l-Kummissjoni kkonkludiet li t-Tranżazzjoni semmiet dubji serji dwar il-kompatibbiltà mas-suq uniku. Sabiex tirrimedja t-tħassib li l-Kummissjoni kellha rigward din il-fużjoni bejn kompetituri, fl-aħħar mill-aħħar Altice tat impenn li ċċedi Cabovisão u ONI, li essenzjalment jikkostitwixxu n-negozji kollu ta’ Altice fil-Portugall.

21.

Kif spjegat fid-dettall hawn taħt, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-elementi deskritti hawn fuq taw lil Altice il-possibbiltà li terżerċita influwenza deċiżiva u/jew irriżultat f’eżerċizzju effettiv ta’ kontroll fuq PT Portugal qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Awtorizzazzjoni u f’xi każijiet qabel l-avviż, bi ksur kemm tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

IV.   KSUR TAL-ARTIKOLU 7(1) TAR-REGOLAMENT DWAR L-GĦAQDIET

a.   Il-Ftehim tat-Tranżazzjoni

22.

Il-Ftehim tat-Tranżazzjoni kien jikkostitwixxi minn ftehim minn Oi biex ma tiħux ċerti azzjonijiet rigward in-negozju ta’ PT Portugal mingħajr il-kunsens minn qabel ta’ Altice. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Ftehim tat-Tranżazzjoni għalhekk kkonferixxa fuq Altice l-abbiltà li tiddetermina l-azzjonijiet ta’ PT Portugal fir-rigward il-punti elenkati fil-Ftehim tat-Tranżazzjoni.

23.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li huwa kemm komuni u kemm xieraq għal klawżoli li għandhom l-għan li jipproteġu l-valur ta’ negozju akkwistat bejn l-iffirmar ta’ ftehim ta’ xiri u l-għeluq biex jiġu inklużi fi ftehimiet ta’ bejgħ u xiri. Konsegwentement, kif innutat minn Altice, l-Avviż tar-Restrizzjonijiet Anċillari (7) jipprevedi li l-ftehimiet biex tastjeni minn tibdil materjali sal-għeluq tan-negozju fil-mira jistgħu jiġu kkunsidrati direttament relatati u neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni. Madankollu, tali ftehim bejn il-bejjiegħ u x-xerrej li jagħti x-xerrej il-possibbiltà li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq il-mira qabel l-awtorizzazzjoni tagħha tkun iġġustifikata biss jekk ikun strettament limitat għal dak li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li jinżamm il-valur fil-mira.

24.

Il-Kummissjoni tikkonkludi li d-drittijiet ta’ veto ta’ Altice li jinsabu fil-Ftehim tat-Tranżazzjoni fuq: (i) il-ħatra ta’ tal-persunal maniġerjali superjuri ta’ PT Portugal; (ii) il-politika tal-ipprezzar ta’ PT Portugal u t-termini u l-kundizzjonijiet kummerċjali mal-klijenti; u (iii) il-ħila li jidħlu, ittemmu jew jimmodifikaw firxa wiesgħa ta’ kuntratti ta’ PT Portugal; individwalment u kollettivament taw Altice d-dritt legali biex tintervjeni fin-negozju fil-Mira lil hinn minn dak li kien meħtieġ biex tiġi ggarantita ż-żamma tal-valur fil-Mira bejn l-iffirmar u l-għeluq u tat lil Altice il-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti fuq il-Mira.

i.   Il-possibbiltà għal Altice li tinfluwenza l-ħatra ta’ persunal ta’ maniġment superjuri fil-Mira

25.

Skont l-Artikoli 6.1(b)(xviii) u (xx) tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni, mingħajr il-kunsens minn qabel bil-miktub ta’ Altice, PT Portugal ma setgħetx taħtar kwalunkwe direttur jew uffiċjal ġdid, jew itemm jew temenda t-termini tal-kuntratti tagħhom.

26.

Il-Kummissjoni tqis li d-drittijiet fil-Ftehim tat-Tranżazzjoni kienu estremament wiesgħa u koprew klassi mhux definita ta’ persunal li mhux kollha x’aktarx ikunu rilevanti għall-valur tan-negozju. Barra minn hekk, Altice hi mogħtija l-possibbiltà biex tikkodittermina l-istruttura tal-maniġment superjuri tal-Mira, bħall-ħatra tal-membri tal-bord.

27.

Bħala tali, il-Kummissjoni tqis li d-drittijiet ta’ veto li jinsabu fl-Artikoli 6.1(b)(xviii) u (xx), b’mod indipendenti u flimkien ma’ drittijiet ta’ veto oħrajn diskussi f’din id-deċiżjoni, ikkonferixxew lil Altice s-setgħa li teżerċita influwenza determinanti fuq il-maniġment superjuri tal-Mira u għalhekk il-politika kummerċjali tagħha. Tali dispożizzjoni kienet tmur lil hinn minn sempliċi ħarsien tal-valur tal-Mira u tat Altice l-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti fuq il-Mira.

ii.   Il-possibbiltà għal Altice li tinfluwenza l-politika ta’ pprezzar tal-Mira

28.

Skont l-Artikolu 6.1(b)(xxvi) tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni, mingħajr il-kunsens ta’ Altice, PT Portugal ma tistax timmodifika l-politiki ta’ pprezzar tagħha jew toffri prezzijiet standard, jew temenda kwalunkwe termini u kundizzjonijiet standard eżistenti mal-klijenti, soġġett għal ċerti limitazzjonijiet.

29.

Ir-rekwiżit li jinkiseb il-kunsens ta’ Altice qabel ma jiġu modifikati l-politiki ta’ pprezzar tagħha u toffri prezzijiet standard naqqas b’mod inerenti d-diskrezzjoni u l-kapaċità tal-Mira li taġixxi b’mod indipendenti fuq is-suq. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li d-dritt ta’ veto ta’ Altice fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali tal-Mira jmur lil hinn minn dak li kien meħtieġ biex iħares kontra bidliet materjali tan-negozju tal-Mira għall-finijiet ta’ preservazzjoni tal-valur tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 6.1(b)(xxvi) kien estremament wiesgħa u tat lil Altice d-dritt ta’ veto fuq proporzjon kbir tad-deċiżjonijiet dwar ipprezzar ta’ PT Portugal u t-termini ta’ negozju ma’ klijenti tagħha.

30.

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-drittijiet ta’ veto li jinsabu fl-Artikoli 6.1(b)(xviii), b’mod indipendenti u flimkien ma’ drittijiet ta’ veto oħrajn diskussi f’din id-deċiżjoni, ikkonferixxew lil Altice s-setgħa li tiddetermina l-politika kummerċjali tal-Mira. Għalhekk tali dispożizzjoni tmur lil hinn minn sempliċi ħarsien tal-valur tal-Mira u tat Altice l-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti fuq il-Mira.

iii.   Il-possibbiltà għal Altice li tinfluwenza l-Mira milli tidħol, ittemm jew timmodifika kuntratti

31.

Skont l-Artikoli 6.1(b)(ii), (iii) u (ix) tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni, mingħajr il-kunsens minn qabel bil-miktub ta’ Altice, PT Portugal ma setgħetx tidħol f’xi tranżazzjoni jew impenn, tassumi jew tieħu r-responsabbilità eventwali, jew takkwista kwalunkwe assi, jekk tali tranżazzjoni qabżet ċertu livell ta’ limitu monetarju. Skont l-Artikoli 6.1(b)(vii) u (xxvii) tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni, mingħajr il-kunsens minn qabel bil-miktub ta’ Altice, PT Portugal ma setgħetx tidħol, ittemm jew timmodifika kwalunkwe ftehim li kien jaqa’ f’ċerti definizzjonijiet.

32.

Il-Kummissjoni tqis li l-firxa ta’ azzjonijiet koperti, kif ukoll id-definizzjonijiet użati u l-limiti monetarji applikabbli, fisser li Altice kellha sorveljanza fuq firxa estremament wiesgħa ta’ azzjonijiet (inklużi kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni ordinarja tan-negozju ta’ PT Portugal), li mhux kollha kien ikollhom impatt materjali fuq il-valur tan-negozju ta’ PT Portugal.

33.

B’mod xieraq, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-drittijiet ta’ veto li jinsabu fl-Artikoli 6.1(b)(ii), (iii), (ix), (vii) u (xviii), b’mod indipendenti u flimkien mad-drittijiet ta’ veto oħrajn diskussi f’din id-deċiżjoni, ikkonferixxew lil Altice s-setgħa li tiddetermina l-politika kummerċjali tal-Mira. Għalhekk tali dispożizzjoni tmur lil hinn minn sempliċi ħarsien tal-valur tal-Mira u tat Altice l-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti fuq il-Mira.

b.   L-influwenza ta’ Altice fuq il-Mira

34.

Il-Kummissjoni sabet li f’għadd ta’ każijiet, kif deskritt hawn taħt, PT Portugal fittxet Altice għal struzzjonijiet u qablu li jimplimentaw, jew implimentaw l-istruzzjonijiet ta’ Altice fir-rigward ta’ deċiżjonijiet kummerċjali qabel id-data tal-avviż u/jew qabel id-data tad-Deċiżjoni tal-Awtorizzazzjoni.

i.   Il-Kampanja Mobbli ta’ Ħlas Wara

35.

Bejn Jannar u Marzu 2015, PT Portugal għamlet kampanja promozzjonaili (“Kampanja ta’ Ħlas Wara”) immirata lejn it-tnaqqis ta’ attrizzjoni tal-klijenti fis-segment mobbli għall-konsumaturi B2C. Il-Kummissjoni sabet li Altice kienet involuta fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’PT Portugal fir-rigward tal-Kampanja ta’ Ħlas Wara li kienet tifforma parti mill-istrateġija kummerċjali fis-suq tal-Mira. Altice kellha rwol essenzjali fl-approvazzjoni, fil-modalitajiet u fil-monitoraġġ tal-Kampanja ta’ Ħlas Wara. Meta wieħed iqis li l-miri u l-baġit tal-kampanja, il-Kummissjoni sabet li l-involviment ta’ Altice fil-Kampanja ma setgħetx tiġi ġġustifikata fuq raġunijiet ta’ preservar tal-valur ta’ PT Portugal.

ii.   Kuntratt tal-Kanal Televiżiv ta’ Porto

36.

Mit-18 ta’ Diċembru 2014 (8), PT Portugal bdiet valutazzjoni interna ta’ tiġdid possibbli tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni tal-kanal televiżiv Porto Canal. Il-Kummissjoni tqis li Altice kienet involuta direttament fit-twaqqif tal-miri u l-istrateġija ta’ negozjar rigward it-tiġdid tal-kuntratt ta’ PT Portugal ma’ Porto Canal li ffurmaw parti mill-istrateġija kompettitiva fis-suq tal-Mira, suq li fih tikkompeti Altice wkoll permezz tas-sussidjarji tagħha. Il-Kummissjoni sabet li l-involviment ta’ Altice f’dan il-kuntratt, minħabba l-valur tiegħu u s-suġġett (it-tiġdid ta’ kuntratt tat-TV), ma setgħetx tiġi ġġustifikata fuq raġunijiet ta’ preservar tal-valur ta’ PT Portugal.

iii.   L-għażla ta’ fornitur tar-RAN

37.

PT Portugal kellha diversi fornituri tan-netwerk ta’ aċċess bir-radju (radio access network, “RAN”). PT Portugal trid tnaqqas in-numru ta’ fornituri. Il-Kummissjoni sabet li Altice kienet direttament involuta fit-twaqqif tal-proċess ta’ għażla ta’ PT Portugal għal fornituri tar-RAN, li kienu jiffurmaw parti mill-istrateġija kompetittiva fis-suq tal-Mira. Altice interferixxiet fl-istrateġija ta’ negozjar ta’ PT Portugal u tat struzzjonijiet lil PT Portugal biex tistenna l-proċess tal-għażla u biex jiskambjaw informazzjoni dwar il-kwistjoni, li bħala riżultat tagħha PT Portugal bidlet l-istrateġija tal-proċess tal-għażla; u, PT Portugal implimentat dawn l-istruzzjonijiet, notevolment billi ssospendiet il-proċess tal-għażla u pprovdiet informazzjoni kummerċjalment sensittiva lil Altice. Il-Kummissjoni tqis li l-involviment ta’ Altice kienet tmur lil hinn minn dak li raġonevolment jista’ jiġi kkunsidrat bħala neċessarju biex jiġi ppreservat il-valur ta’ PT Portugal.

iv.   Vidjows fuq Talba/Bejgħ elettroniku permezz ta’ kuntratt

38.

PT Portugal u Cinemundo ppjanaw li jidħlu fi ftehim ta’ sentejn għall-provvista ta’ bosta films għall-pjattaforma ta’ vidjows fuq talba (video on demand, “VOD”) ta’ PT Portugal. Il-Kummissjoni sabet li Altice kienet involuta direttament fid-definizzjoni tat-termini ta’ negozjar rigward il-ftehim ta’ provvista bejn PT Portugal u Cinemundo, li ffurmaw parti mill-istrateġija kompetittiva fis-suq tal-Mira, suq li fih tikkompeti Altice wkoll permezz tas-sussidjarji tagħha. Bil-kunsiderazzjoni tal-valur u s-suġġett ta’ dan il-kuntratt, l-involviment ta’ Altice kien imur lil hinn minn dak li raġonevolment jista’ jiġi kkunsidrat bħala neċessarju biex jiġi ppreservat il-valur ta’ PT Portugal.

v.   Il-kuntratt ta’ DOG TV

39.

Minn Novembru 2014, PT Portugal ikkunsidrat jekk għandhiex tiffirma kuntratt ma’ World Channels, id-distributur ta’ DOG TV, kanal televiżiv primjum speċifikament ddedikat lill-klieb. Il-kunsens Altice fir-rigward dan il-kuntratt kien mitlub minn PT Portugal u Altice ma tatx il-kunsens tagħha u talbet għal aktar informazzjoni dwar il-kuntratt. Il-Kummissjoni sabet li Altice kienet involuta direttament fid-deċiżjoni dwar jekk il-kanal televiżiv għandux jinkludi l-kanal DOG TV fl-offerta televiżiva ta’ PT Portugal, li ffurmat parti mill-istrateġija kompettitiva fis-suq tal-Mira, suq li fih tikkompeti Altice wkoll permezz tas-sussidjarji tagħha. Bil-kunsiderazzjoni tal-valur u s-suġġett ta’ dan il-kuntratt, l-involviment ta’ Altice kien imur lil hinn minn dak li raġonevolment jista’ jiġi kkunsidrat bħala neċessarju biex jiġi ppreservat il-valur ta’ PT Portugal.

vi.   Ishma SIRESP

40.

SIRESP hija l-operatur tan-Netwerk Nazzjonali tas-Sikurezza Pubblika, sħubija pubblika-privata promossa mill-Ministeru tal-Intern fil-Portugall. Fiż-żmien rilevanti, SIRESP kienet proprjetà ta’ PT Portugal, Galilei (fond ta’ investiment Portugiż), Motorola, u żewġ azzjonisti oħrajn iżgħar. Fl-4 ta’ Marzu 2015, azzjonist wieħed bagħat ittra ta’ intenzjoni lil kull wieħed mill-azzjonisti oħrajn SIRESP, inkluża PT Portugal, li stabbilixxiet t-termini li fuqhom hija tkun ippreparata li takkwista l-ishma ta’ kull wieħed mill-azzjonisti l-oħrajn. Oi infurmat lil Altice li ma kellhiex l-intenzjoni li tbigħ ishma f’PT Portugal fis-SIRESP, u lanqas li teżerċita l-jeddijiet ta’ prelazzjoni tagħha. Oi mbagħad staqsiet jekk Altice kellhiex fehma differenti dwar din il-kwistjoni. Altice indikat lil Oi li hija ma kinitx qed tippjana li tbigħ l-ishma. Il-Kummissjoni ma tikkontestax dan l-iskambju, billi din kienet kwistjoni korporattiva li potenzjalment setgħet taffettwa l-valur tal-Mira.

41.

Madankollu, Altice marret lil hinn minn dan u talbet lil PT Portugal biex titkellem ma’ wieħed mill-azzjonisti SIRESP sabiex issaqsi jekk ikunx interessat ibigħ l-ishma tiegħu fis-SIRESP lil Altice/PT Portugal. Il-Kummissjoni tqis li billi tat struzzjonijiet lil PT Portugal biex tikkuntattja lil wieħed mill-azzjonisti tas-SIRESP f’isimha, Altice eċċediet il-limiti ta’ x’jista’ jitqies bħala kondotta xierqa meħtieġa biex jiġi ppreservat il-valur ta’ PT Portugal.

vii.   Kuntratt ma’ klijent

42.

Fit-23 ta’ Diċembru 2014 PT Portugal rebħet offerta għall-provvista ta’ servizzi u soluzzjonijiet ta’ esternalizzazzjoni lil klijent. Oi/PT Portugal talbu l-kunsens ta’ Altice għall-iffirmar tal-kuntratt u Altice talbet għal aktar informazzjoni dwar il-kwistjoni. Il-Kummissjoni sabet li Altice kienet involuta direttament fid-deċiżjoni dwar jekk għandux jiġi konkluż il-kuntratt, li ffurmat parti mill-istrateġija kompettitiva fis-suq tal-Mira, suq li fih tikkompeti Altice wkoll permezz tas-sussidjarji tagħha. Bil-valur u n-natura ta’ dan il-kuntratt, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-involviment ta’ Altice kien imur lil hinn minn dak li raġonevolment jista’ jiġi kkunsidrat bħala neċessarju biex jiġi ppreservat il-valur ta’ PT Portugal.

viii.   Kunsiderazzjonijiet fir-rigward tar-rilevanza ta’ dawn id-deċiżjonijiet li fuqhom ma ntalabx il-kunsens ta’ Altice

43.

Fit-tweġiba għad-DO u waqt is-Seduta ta’ Smigħ, Altice sostniet li bejn l-iffirmar tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni u d-Deċiżjoni tal-Awtorizzazzjoni, ġiet ikkonsultata biss dwar numru minuri ta’ deċiżjonijiet meħuda minn PT Portugal u għadd kbir ta’ deċiżjonijiet kritiċi li jappartjenu lil politiki strateġiċi u kummerċjali ta’ PT Portugal kienu ttieħdu mingħajr ma’ Altice ġiet ikkonsultata jew saħansitra infurmata b’dan.

44.

Il-Kummissjoni tqis li mhuwiex neċessarju li Altice tintalab tipprovdi l-kunsens tagħha dwar il-kwistjonijiet kollha jew il-maġġoranza tagħhom diskussi mill-Bord tad-diretturi ta’ PT Portugal jew meħuda mill-maniġment ta’ PT Portugal bejn l-iffirmar tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni u d-Deċiżjoni tal-Awtorizzazzjoni għall-imġiba ta’ Altice li tikkostitwixxi implimentazzjoni bikrija fil-forma ta’ każijiet tal-eżerċizzju attwali ta’ kontroll. L-evidenza fil-fajl tal-Kummissjoni turi li ġie mitlub il-kunsens ta’ Altice dwar għadd kbir ta’ kwistjonijiet oħra matul l-iffirmar tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni u d-Deċiżjoni tal-Awtorizzazzjoni (9).

ix.   Skambji ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva

45.

Bejn l-iffirmar tal-Ftehim tat-tranżazzjoni u l-għeluq, u xi ftit xhur wara l-fażi tad-diliġenza dovuta, il-maniġment ta’ Altice u r-rappreżentanti ta’ PT Portugal iltaqgħu tliet darbiet f’Lisbona. Il-Kummissjoni sabet li matul dawn il-laqgħat, PT Portugal għamlet preżentazzjonijiet estensivi u granulari lil Altice rigward in-negozju ta’ PT Portugal. PT Portugal kondividiet ma’ Altice informazzjoni granulari aġġornata dwar in-negozju bl-imnut u bl-ingrossa tagħha, inkluża d-data finanzjarja ewlenija fis-segmenti B2C u B2B. Barra minn hekk, wara dawn il-laqgħat, Altice talbet u rċeviet mingħand PT Portugal informazzjoni dettaljata u aġġornata dwar indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (key performance indicators, “KPIs”) u l-prezzijiet futuri tal-Mira. Dawn l-iskambji involvew il-maniġment operazzjonali estiż ta’ Altice u tmexxew mingħajr kwalunkwe ftehim ta’ kunfidenzjalità fis-seħħ.

46.

Il-Kummissjoni tqis li dawn l-iskambji ta’ informazzjoni li saru barra l-fażi tad-diliġenza dovuta, ikkontribwixxew biex juru li Altice eżerċitat influwenza deċiżiva fuq aspetti tan-negozju fil-Mira qabel li l-Kummissjoni ddikjarat li t-Tranżazzjoni hija kompatibbli mas-suq intern.

c.   Konklużjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet

47.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li Altice kisbet il-possibbiltà li teżerċita influwenza deċiżiva, u effettivament eżerċitat kontroll qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Awtorizzazzjoni, u f’xi każijiet qabel l-avviż, li wasslet lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li t-Tranżazzjoni kienet implimentata qabel id-data li fiha l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Awtorizzazzjoni, u f’xi każijiet qabel l-avviż, bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

V.   KSUR TAL-ARTIKOLU 4(1) TAR-REGOLAMENT DWAR L-GĦAQDIET

48.

Kif innotat hawn fuq, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jinkludu l-prinċipji ġuridiċi distinti.

49.

Għar-raġunijiet stabbiliti hawn taħt, il-Kummissjoni tqis li Altice kisret l-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

50.

L-ewwel, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Artikolu 6.1(b) tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni rigward id-dritt ta’ veto ta’ Altice fuq il-ħatra ta’ persunal tal-maniġment superjuri tal-Mira (l-Artikoli 6.1(b)(xviii) u (xx)), l-istabbiliment ta’ politiki ta’ pprezzar tal-Mira (l-Artikolu 6.1 (b) (xxvi)) u l-konklużjoni, il-modifika u t-terminazzjoni ta’ kuntratti (Artikoli 6.1(b)(ii), (iii), (ix), (vii), u (xxvii)) taw lil Altice l-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti fuq il-Mira mill-iffirmar tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni fid-9 ta’ Diċembru 2014. Billi din l-azzjoni saret qabel l-avviż dwar it-Tranżazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea fil-25 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni tikkonkludi li din tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

51.

It-tieni, kif spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-azzjonijiet li ħadet Altice wara l-iffirmar tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni, meta meħuda flimkien, juru li Altice effettivament eżerċitat kontroll fuq PT Portugal. Xi wħud minn dawn l-azzjonijiet twettqu qabel l-avviż dwar it-Tranżazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea fil-25 ta’ Frar 2015, jiġifieri:

(1)

Il-Kampanja ta’ Ħlas Wara: Ara l-paragrafu 35 hawn fuq;

(2)

Il-Kuntratt VOD/EST: Ara l-paragrafu 38 hawn fuq; kif ukoll

(3)

L-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment strateġika waqt il-laqgħa tat-3 ta’ Frar 2015 bejn il-maniġment ta’ Altice u l-maniġment ta’ PT Portugal, kif spjegat aktar fil-paragrafu 46 hawn fuq.

52.

Kif xieraq, il-Kummissjoni tikkonkludi li Altice kisret l-obbligi tal-avviż tagħha skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

VI.   PROĊEDURA

a.   L-argumenti ta’ Altice

53.

Fit-tweġiba għad-DO, Altice qajmet pretensjonijiet proċedurali, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji fundamentali ta’ proċess ġust, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża.

54.

L-ewwel nett, skont Altice, il-Kummissjoni kisret id-dritt ta’ Altice għal smigħ u l-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba billi ma kkunsidratx l-interpretazzjoni tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni ta’ Oi, minħabba li Oi, kienet l-unika parti li fil-Ftehim tat-Tranżazzjoni li tista’ tiddetermina liema kwistjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lil Altice, billi r-rwol ta’ Altice kien “purament passiv”.

55.

It-tieni, skont Altice billi tattribwixxi l-ksur allegat ta’ Altice, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju fundamentali ta’ responsabbiltà personali skont liema persuna fiżika jew ġuridika tista’ tiġi sanzjonata biss għall-fatti li bihom tkun akkużata individwalment. Altice talbet formalment lill-Kummissjoni biex tikkonsulta lil Oi dwar l-interpretazzjoni tagħha tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni u biex tiftaħ proċedimenti kontra Oi.

56.

Fit-tweġiba għall-Ittra tal-Fatti, Altice kkritikat ir-RFI tal-Kummissjoni lil Oi (10) u sostniet li l-ksur proċedurali identifikat fit-tweġiba għad-DO ma kinux solvuti mir-RFI lil Oi. B’mod partikolari, Altice sostniet li t-tweġiba ta’ Oi trid tiġi vverifikata u appoġġata minn evidenza dokumentata.

57.

It-tielet nett, skont Altice l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità hekk kif diversi RFIs irrappreżentaw piż eċċessiv għal Altice: (i) il-limiti ta’ żmien biex twieġeb għal ċerti RFIs kienu eċċessivament qosra u sproporzjonati meta mqabbla man-neċessitajiet tal-investigazzjoni; u, (ii) il-Kummissjoni talbet lil Altice biex tipprovdi numru ta’ dokumenti fir-RFI tal-20 ta’ Lulju 2016, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu diġà ġew inklużi fid-data tal-posta elettronika pprovduta minn Altice b’reazzjoni għal RFIs preċedenti.

b.   Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni

58.

L-interpretazzjoni li Oi tat għall-Ftehim tat-Tranżazzjoni u r-raġunijiet li għalihom Oi ddeċidiet li tfittex il-kunsens ta’ Altice ma għandhom l-ebda effett fuq l-eżistenza tal-ksur tal-Artikoli 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li huma bbażati fuq l-imġiba attwali ta’ Altice. L-eżistenza tal-ksur setgħet tiġi stabbilita b’mod validu mingħajr ma tikseb l-interpretazzjoni li Oi tat għall-Ftehim tat-Tranżazzjoni u r-raġunijiet li għalihom Oi ddeċidiet li tfittex il-kunsens ta’ Altice dwar ċerti kwistjonijiet.

59.

Altice kellha rwol attiv fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni u li kellha għarfien dwar is-suġġetti fejn ġiet mitluba l-approvazzjoni tagħha. Altice nnegozjat u aġixxiet bħala firmatarja tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni li tat dritt legali għal Altice li tiċħad il-kunsens tagħha għal Oi u PT Portugal biex iwettqu ċerti deċiżjonijiet. Fil-prattika, Altice rreaġixxiet għall-approċċi inter alia ta’ Oi u PT Portugal billi: (i) aċċettat informazzjoni kummerċjalment sensittiva (minflok ma tbiegħdet minnha); (ii) talbet għal aktar informazzjoni fejn meħtieġ; (iii) tat struzzjonijiet lil Oi u/jew PT Portugal dwar kif jenħtieġ li jipproċedu; u (iv) monitorjat l-implimentazzjoni tal-kwistjonijiet miġjuba għall-attenzjoni ta’ Altice. L-aġir ta’ Altice tindika ulterjorment li hija kellha għarfien suffiċjenti dwar is-suġġetti fejn ġiet mitluba l-approvazzjoni tagħha.

60.

Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-talbiet ta’ Altice fit-tweġiba għad-DO, u għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Kummissjoni fittxet il-fehmiet ta’ Oi rigward il-Ftehim tat-Tranżazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu (11). Għalhekk, id-drittijiet tad-difiża ta’ Altice ġew rispettati.

61.

Barra minn hekk, abbażi tal-evidenza dokumentarja ppreżentata fl-abbozz ta’ deċiżjoni (appoġġata minn konfermi pprovduti minn Oi), l-evidenza hija suffiċjentement preċiża u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-istandard ġuridiku skont il-ksur li seħħ minn Altice. Il-Kummissjoni għalhekk ma tqisx li hija kien imissha ħtieġet lil Oi biex tappoġġa t-tweġiba tagħha permezz ta’ evidenza dokumentarja (12).

62.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni mhijiex qiegħda tippenalizza lil Altice għal atti attribwiti lil Oi. Il-ksur f’din id-deċiżjoni hu bbażat fuq id-drittijiet mogħtija lil Altice bis-saħħa tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni u/jew l-imġiba attwali ta’ Altice bejn l-iffirmar tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni u d-Deċiżjoni tal-Awtorizzazzjoni u, Altice kellha rwol attiv fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni. Rigward it-talba ta’ Altice li l-Kummissjoni tiftaħ proċedimenti kontra Oi, il-Kummissjoni tfakkar li, anki jekk twettaq ksur minn Oi, il-Kummissjoni ma għandha ebda obbligu li ssegwi ksur kontra Oi.

63.

Il-Kummissjoni tat Altice biżżejjed żmien biex twieġeb għat-talba fir-RFIs meta jitqies l-ambitu ta’ dawn ir-RFIs. Barra minn hekk, għal ċerti RFIs Altice ma esploratx il-possibbiltà li titlob estensjoni tal-iskadenza jew tikkontesta t-talbiet għal informazzjoni (request for information, RFIs) permezz ta’ deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, quddiem il-qrati tal-UE. Fir-RFI tal-20 ta’ Lulju 2016 il-Kummissjoni talbet lil Altice biex tipprovdi spjegazzjonijiet tal-kontenuti ta’ wħud mid-dokumenti pprovduti minn Altice (13); madankollu, il-Kummissjoni ma talbitx lil Altice biex tipprovdi l-istess dokumenti diġà mogħtija minn Altice b’reazzjoni għal RFIs preċedenti.

VII.   MULTI

a.   In-natura tal-ksur

64.

Skont il-każistika tal-UE (14), il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet huwa, min-natura tiegħu, ksur serju.

65.

L-ewwel nett, Altice implimentat konċentrazzjoni b’dimensjoni tal-Unjoni mid-9 ta’ Diċembru 2014 bi ksur tal-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. It-tieni nett, ksur tal-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jiġri irrispettivament mir-riżultat pożittiv tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni imwettqa mill-Kummissjoni. It-tielet nett, il-leġiżlatur iddetermina li ksur tal-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jista’ jkun serju daqs il-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE billi ffissa l-istess limitu massimu tal-multa f’kull wieħed mir-regolamenti applikabbli (ir-Regolament dwar l-Għaqdiet u r-Regolament Nru 1/2003).

b.   Gravità tal-ksur

66.

Il-Kummissjoni tikkonkludi li Altice aġixxiet tal-inqas b’mod negliġenti, fejn kisret l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. L-ewwel nett, Altice hija kumpanija Ewropea kbira li kellha esperjenza preċedenti fi tranżazzjonijiet ta’ fużjoni u, qabel it-Tranżazzjoni, kienet involuta fil-proċeduri ta’ kontroll ta’ fużjoni fil-livell nazzjonali. It-tieni nett, Altice inegozjat b’attenzjoni l-Ftehim tat-Tranżazzjoni ma’ Oi u, skont Altice nnifisha, hija inkludiet id-dispożizzjonijiet ikkontestati fil-Ftehim tat-Tranżazzjoni speċifikament biex tissalvagwardja l-interessi finanzjarji tagħha stess. It-tielet nett, l-eżistenza ta’ preċedenti analogi ma għandha l-ebda effett fuq il-gravità tal-ksur. Ir-raba’, il-Kummissjoni tqis li Altice kienet taf jew kellha tkun taf li l-aġir ta’ ksur jikkostitwixxi ksur ta’ dan ir-rekwiżit tan-notifika u/jew l-obbligu ta’ waqfien totali.

67.

Il-Kummissjoni tqis il-fatt li t-Tranżazzjoni qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern hu fih innifsu fattur li jirrendi l-ksur iktar serju (15). L-akkwist ta’ Altice ta’ PT Portugal ġie awtorizzat wara s-sottomissjoni ta’ firxa wiesa’ ta’ miżuri korrettivi sabiex jiġu ċċarati dubji serji mqajma mit-Tranżazzjoni. F’każijiet bħal dawn, l-iżgurar taċ-ċertezza ġuridika u livell għoli ta’ disważjoni hija importanti irrispettivament mill-merti ta’ valutazzjoni ex post.

c.   It-tul tal-ksur

68.

Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 4(1), tali ksur jikkostitwixxi ksur instantanju, li jsir bin-nuqqas ta’ notifika ta’ konċentrazzjoni. Għalhekk, il-ksur sar fid-9 ta’ Diċembru 2014.

69.

Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, dan huwa ksur kontinwu li jdum sakemm it-tranżazzjoni ma tkunx awtorizzata mill-Kummissjoni. Għalhekk il-ksur dam mill-iffirmar tal-Ftehim tat-Tranżazzjoni il-Ftehim fid-9 ta’ Diċembru 2014 sal-approvazzjoni fl-20 ta’ April 2015 (jiġifieri erba’ xhur u 11-il ġurnata).

d.   Ċirkustanzi attenwanti u aggravanti

70.

Il-Kummissjoni ma tqisx li jkun hemm ebda ċirkustanza aggravanti jew mitiganti f’dan il-każ.

VIII.   AMMONT TAL-MULTI

71.

Meta timponi penali, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li tiggarantixxi li l-multi jkollhom effett ta’ deterrent kbir biżżejjed. Fil-każ ta’ impriża tad-daqs ta’ Altice, l-ammont tal-penali għandu jkun sinifikanti sabiex jinkiseb effett ta’ deterrent. Dan aktar u aktar japplika meta t-tranżazzjoni li kienet implimentata qabel l-approvazzjoni tqajjem dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

72.

Sabiex timponi penali għall-ksur u biex dan ma jerġax iseħħ, għalhekk, u minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni u, b’mod partikolari, in-natura, il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur diskuss fit-Taqsima 6 hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa xieraq li jiġu imposti multi skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet ta’ EUR 62 250 000 għall-ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, u ta’ EUR 62 250 000 għall-ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(1)  Altice S.A., kumpanija stabbilita fil-Lussemburgu, kienet il-parti notifikanti fil-Każ M.7499 — Altice/PT Portugal. Fis-6 ta’ Awwissu 2015, Altice S.A., il-kumpanija holding preċedenti ta’ Altice Group trasferixxiet sostanzjalment l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tagħha lis-sussidjarja Altice Lussemburgu S.A. fid-9 ta’ Awwissu 2015, Altice S.A. ingħaqdet ma’ Altice N.V., il-kumpanija azzjonarja ġdida ta’ Altice Group. B’riżultat tal-għaqda, Altice S.A. ma baqgħetx teżisti.

(2)  Altice Portugal S.A. kienet sussidjarja 100 % ta’ Altice S.A. Fil-Ftehim ta’ Tranżazzjoni, Altice Portugal S.A. ġiet identifikata bħala x-“xerrejja” u Altice S.A. kienet identifikata bħala l-garanti għat-Tranżazzjoni.

(3)  It-Tranżazzjoni għandha dimensjoni tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(4)  L-Artikolu fid-Diário Económico tas-26 ta’ Frar 2015: http://economico.sapo.pt/noticias/altice-ja-esta-na-pt-portugal-para-assumir-controlo-da-empresa_212789.html. ID[153]

(5)  Marine Harvest, il-paragrafu 58.

(6)  It-terminu tim nadif ġeneralment jirreferi għal grupp ristrett ta’ individwi mid-dinja tan-negozju li mhumiex involuti f’operazzjoni kummerċjali ta’ kuljum tan-negozju li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali mingħand il-kontroparti għat-tranżazzjoni u huma marbuta minn protokolli ta’ kunfidenzjalità stretta fir-rigward ta’ dik l-informazzjoni.

(7)  Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar restrizzjonijiet direttament relatati u neċessarji għal konċentrazzjonijiet (ĠU C 56, 5.3.2005, p. 24).

(8)  Skont Altice, madwar l-aħħar tal-2014 u l-bidu tal-2015, Porto Canal avviċina PT Portugal sabiex jinnegozjaw mill-ġdid il-kuntratt ta’ distribuzzjoni.

(9)  Il-Kummissjoni sabet ukoll li Oi kienet talbet il-kunsens ta’ Altice permezz ta’ avviżi/ittri formali fuq seba’ deċiżjonijiet meħuda minn PT Portugal li fuqhom Altice kienet sostniet li ma kinitx ġiet ikkonsultata jew saħansitra infurmata b’dan.

(10)  Fis-6 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni indirizzat RFI lil Oi. Oi wieġbet fl-20 ta’ Ottubru 2017. It-tweġiba ta’ Oi kienet kondiviża ma’ Altice mill-Kummissjoni fl-Ittra tal-Fatti.

(11)  Ara l-paragrafu 56 ta’ din in-Nota.

(12)  Barra minn hekk, minkejja passi investigattivi li hija ħadet, il-Kummissjoni ma identifikatx u Altice ma pprovdiet l-ebda indikazzjoni tal-eżistenza ta’ kwalunkwe evidenza li tiskaġuna li tpoġġi fid-dubju l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

(13)  Sal-punt li Altice qieset li t-tweġiba rilevanti kienet f’dokument diġà pprovdut, Altice setgħet sempliċiment tirreferi għal dak id-dokument diġà pprovdut hekk kif il-Kummissjoni ppermettiet lil Altice, jekk xtaqet tirreferi għal dokumenti li kienu diġà fil-pussess tal-Kummissjoni, biex tagħmel referenza għal dawn id-dokumenti. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda obbligu fuq Altice biex tippreżenta d-dokumenti diġà ppreżentati.

(14)  Il-Kawża T-704/14, Marine Harvest v. il-Kummissjoni Ewropea ECLI:EU:T:2017:753, il-paragrafu 480; Il-Kawża T-332/09, Electrabel v. il-Kummissjoni Ewropea ECLI:EU:T:2012:672, il-paragrafu 235.

(15)  Il-Kawża T-704/14, Marine Harvest v. il-Kummissjoni Ewropea ECLI:EU:T:2017:753, il-paragrafi 490 et seq.


Il-Qorti tal-Awdituri

7.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/20


Rapport Speċjali Nru 21/2018

“L-għażla u l-monitoraġġ ta’ proġetti taħt il-FEŻR u l-FSE fil-perjodu 2014–2020 għadhom prinċipalment orjentati lejn l-outputs”

(2018/C 315/09)

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri b’dan tinfurmak li r-Rapport Speċjali Nru 21/2018 “L-għażla u l-monitoraġġ ta’ proġetti taħt il-FEŻR u l-FSE fil-perjodu 2014-2020 għadhom prinċipalment orjentati lejn l-outputs” għadu kif ġie ppubblikat.

Ir-rapport jista’ jiġi kkonsultat jew imniżżel mis-sit web tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: http://eca.europa.eu


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

7.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/21


Sejħiet għal proposti u attivitajiet relatati taħt il-Programm ta’ Ħidma ERC 2019 taħt Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020)

(2018/C 315/10)

B’dan qiegħed jingħata avviż dwar it-tnedija ta’ sejħiet għal proposti u attivitajiet relatati taħt il-Programm ta’ Ħidma ERC 2019 taħt Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020).

Il-Kummissjoni adottat il-Programm ta’ Ħidma ERC 2019 (http://ec.europa.eu/research/participants/data/ref/h2020/wp/2018-2020/erc/h2020-wp19-erc_en.pdf) bid-Deċiżjoni C(2018)5200 tas-6 ta’ Settembru 2018.

Qed issir stedina għal proposti għal dawn is-sejħiet. Il-Programm ta’ Ħidma ERC 2019, inklużi l-iskadenzi u l-baġits, huwa disponibbli permezz tas-sit elettroniku Portal tal-Parteċipanti flimkien mal-informazzjoni dwar il-modalitajiet tas-sejħiet u attivitajiet relatati u l-informazzjoni għall-applikanti dwar kif jiġu sottomessi l-proposti:

http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/home.html


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

7.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/22


Avviż dwar l-iskadenza ta’ ċerti miżuri kontra s-sussidju

(2018/C 315/11)

Barra l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza pendenti (1) li warajha ma saret ebda talba sostanzjata għal reviżjoni, il-Kummissjoni tat avviż li l-miżura kontra s-sussidju msemmija hawn taħt kienet se tiskadi.

Dan l-avviż huwa ppubblikat skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (2).

Prodott

Il-pajjiż/i ta’ oriġini jew esportazzjoni

Miżuri

Referenza

Data ta’ skadenza (3)

Wajers tal-azzar inossidabbli

L-Indja

Dazju kontra s-sussiju

Ir-Regolament ta’ Imlimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 861/2013 tat-2 ta’ Settembru 2013 li jimponi dazju kumpensatorju definitiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-azzar inossidabbli li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 240, 7.9.2013, p. 1)

8.9.2018


(1)  ĠU C 14, 16.1.2018, p. 10

(2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(3)  Il-miżura se tiskadi f’nofsillejl tal-ġurnata msemmija f’din il-kolonna.


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

7.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/23


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9052 — Kirin/Mitsui/Thorne)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 315/12)

1.   

Fil-31 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Kirin Holdings Company, Limited (“Kirin”, il-Ġappun),

Mitsui & Co., Ltd (“Mitsui”, il-Ġappun),

Thorne Holding Corporation (“Thorne”, l-Istati Uniti), ikkontrollata minn west View Capital Partners u Tudor Venture Partners.

Kirin u Mitsui jakkwistaw fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll konġunt ta’ Thorne kollha. Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal Kirin: involviment f’negozji farmaċewtiċi, bijoteknoloġiċi u xorb integrat;

—   għal Mitsui: dar tal-kummerċ involuta f’għadd ta’ negozji ta’ komoditajiet u negozji oħra, inkluż il-bejgħ, id-distribuzzjoni, ix-xiri, it-tqegħid fis-suq u l-forniment ta’ prodotti f’oqsma ta’ negozju bħall-ħadid u l-azzar, il-faħam u l-metalli li ma fihomx ħadid, makkinarju, elettronika, kimiċi, komoditajiet relatati mal-enerġija;

—   għal Thorne: l-iżvilupp, il-manifattura u l-bejgħ ta’ supplimenti nutrittivi tal-ogħla kwalità, prinċipalment għal prattikanti tal-kura tas-saħħa fl-Istati Uniti. Thorne tbigħ ukoll supplimenti nutrittivi tal-annimali kif ukoll testijiet ta’ awtodijanjosi għad-detezzjoni d-dar ta’ diversi problemi ta’ saħħa.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont in-Notifika mill-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fin-Notifika.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati sabiex iressqu l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jenħtieġ li r-referenza li ġejja tiġi dejjem speċifikata:

M.9052 — Kirin/Mitsui/Thorne

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-posta elettronika, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks: +32 22964301

Indirizz tal-posta:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


7.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/25


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8952 — STEAG/Siemens/JV STEAG GuD)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 315/13)

1.   

Fit-30 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Siemens Project Ventures GmbH (“Siemens”, il-Ġermanja), parti mis-Siemens Group (il-Ġermanja),

STEAG Beteiligugnsgesellschaft mbH (“STEAG”, il-Ġermanja),

STEAG GuD Herne, l-impriża konġunta (joint venture, “JV”, il-Ġermanja).

Siemens u STEAG jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġunt tal-JV. Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma, li permezz tiegħu Siemens takkwista 50 % tal-ishma u d-drittijiet tal-vot fil-JV mingħand is-sid uniku attwali tagħha, STEAG.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

STEAG hija fornitur internazzjonali tal-enerġija, li hija attiva fil-ġenerazzjoni u l-provvista tal-elettriċità u tat-tisħin distrettwali, kif ukoll l-iżvilupp ta’ proġetti, il-kostruzzjoni u l-operazzjoni ta’ impjanti tal-enerġija u servizzi tekniċi relatati,

Siemens hija grupp dinja tat-teknoloġija ffokat fuq l-elettrifikazzjoni, l-awtomazzjoni u d-diġitalizzazzjoni b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni tal-enerġija, applikazzjonijiet mediċi, infrastrutturali u industrijali,

Il-JV se tibni u tħaddem impjant tal-enerġija bil-gass u turbini tal-istim f’Herne (il-Ġermanja), u tikkummerċjalizza l-elettriċità u s-sħana ġġenerati.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja tiġi dejjem speċifikata:

M.8952 — STEAG/Siemens/JV STEAG GuD

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz tal-posta:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).