ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 307

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
30 ta' Awwissu 2018


Werrej

Paġna

 

 

IL-PARLAMENT EWROPEW
SESSJONI 2017–2018
Dati tas-seduti: 15-18 ta’ Mejju 2017
Il-Minuti ta’ din is-sessjoni ġew ippubblikati fil- ĠU C 38, 1.2.2018 .
TESTI ADOTTATI
Dati tas-seduti: 31 ta’ Mejju u 1 ta’ Ġunju 2017
Il-Minuti ta’ din is-sessjoni ġew ippubblikati fil- ĠU C 59, 15.2.2018 .
TESTI ADOTTATI

1


 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Parlament Ewropew

 

It-Tlieta 16 ta’ Mejju 2017

2018/C 307/01

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar pjan ta' azzjoni 2016-2020 tal-UE dwar gvern elettroniku (2016/2273(INI))

2

2018/C 307/02

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar ir-Rapport annwali 2015 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – Ġlieda kontra l-frodi (2016/2097(INI))

11

2018/C 307/03

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-inizjattiva dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: innaqqsu l-ħela tal-ikel, intejbu s-sikurezza tal-ikel (2016/2223(INI))

25

2018/C 307/04

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-evalwazzjoni tal-aspetti esterni tal-prestazzjoni u l-ġestjoni doganali bħala għodda biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ u jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu (2016/2075(INI))

44

 

L-Erbgħa 17 ta’ Mejju 2017

2018/C 307/05

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar ir-Rapport Annwali 2014 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (2015/2283(INI))

52

2018/C 307/06

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar FinTech: l-influwenza tat-teknoloġija fuq il-futur tas-settur finanzjarju (2016/2243(INI))

57

2018/C 307/07

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D050182 – 2017/2675(RSP))

67

2018/C 307/08

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D050183 – (2017/2674(RSP))

71

2018/C 307/09

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2017/2656(RSP))

75

2018/C 307/10

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (2016/2798(RSP))

79

 

Il-Ħamis 18 ta’ Mejju 2017

2018/C 307/11

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar iż-Żambja, b'mod partikolari l-każ ta' Hakainde Hichilema (2017/2681(RSP))

84

2018/C 307/12

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-Etjopja, b'mod partikolari l-każ ta' Dr Merera Gudina (2017/2682(RSP))

87

2018/C 307/13

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar is-Sudan t'Isfel (2017/2683(RSP))

92

2018/C 307/14

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar it-taħlita ta' finanzjament it-tajba għar-reġjuni tal-Ewropa: ibbilanċjar tal-istrumenti u l-għotjiet finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni tal-UE (2016/2302(INI))

96

2018/C 307/15

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar perspettivi futuri għall-Assistenza Teknika fil-Politika ta' Koeżjoni (2016/2303(INI))

103

2018/C 307/16

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea (2015/2059(INI))

109

2018/C 307/17

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani (2016/2998(RSP))

113

2018/C 307/18

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja (2017/2654(RSP))

117

2018/C 307/19

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar it-trasport bit-triq fl-Unjoni Ewropea (2017/2545(RSP))

123

2018/C 307/20

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab (2017/2687(RSP))

131

2018/C 307/21

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar kif niżguraw li r-rilokazzjoni taħdem (2017/2685(RSP))

137

2018/C 307/22

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja (2017/2688(RSP))

140

 

Il-Ħamis 1 ta’ Ġunju 2017

2018/C 307/23

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-konnettività tal-internet għat-tkabbir, il-kompetittività u l-koeżjoni: is-soċjetà Ewropea tal-gigabits u l-5G (2016/2305(INI))

144

2018/C 307/24

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli (2015/2085(INL))

154

2018/C 307/25

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022 (2017/2702(RSP))

161

2018/C 307/26

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea (2016/2271(INI))

163

2018/C 307/27

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar stqarrija konġunta mill-Parlament, mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, u l-Kummissjoni dwar il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid – id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna (2017/2586(RSP))

175

2018/C 307/28

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar ir-reżiljenza bħala prijorità strateġika tal-azzjoni esterna tal-UE (2017/2594(RSP))

177

2018/C 307/29

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu (2017/2692(RSP))

183

2018/C 307/30

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-Konferenza ta' Livell Għoli tan-NU b'Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-SDG 14 (Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani) (2017/2653(RSP))

186


 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Parlament Ewropew

 

Il-Ħamis 1 ta’ Ġunju 2017

2018/C 307/31

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács (2016/2266(IMM))

188


 

III   Atti preparatorji

 

IL-PARLAMENT EWROPEW

 

It-Tlieta 16 ta’ Mejju 2017

2018/C 307/32

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll għall-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (09264/2016 – C8-0455/2016 – 2015/0113(NLE))

191

2018/C 307/33

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (13824/2016 – C8-0527/2016 – 2016/0311(NLE))

192

2018/C 307/34

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020 (13710/2016 – C8-0005/2017 – 2016/0322(NLE))

193

2018/C 307/35

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton (ICAC) 15540/2016 – C8-0024/2017 – 2016/0349(NLE))

194

 

L-Erbgħa 17 ta’ Mejju 2017

2018/C 307/36

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – FEG/2016/008 FI/Nokia Network Systems) (COM(2017)0157 – C8-0131/2017 – 2017/2058(BUD))

195

2018/C 307/37

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar it-tnedija ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi fil-Kroazja (05318/2017 – C8-0033/2017 – 2017/0801(CNS))

200

2018/C 307/38

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2017 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tat-tħassir tal-Guyana mit-tabella fil-punt I tal-Anness u ż-żieda tal-Etjopja f'dik it-tabella (C(2017)01951 – 2017/2634(DEA))

201

 

Il-Ħamis 18 ta’ Mejju 2017

2018/C 307/39

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Prinċipat ta' Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE 2014-2021, il-Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu 2014-2021, il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja u l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Iżlanda (06679/2016 – C8-0175/2016 – 2016/0052(NLE))

203

2018/C 307/40

P8_TA(2017)0224
Il-portabilità transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fis-suq intern (COM(2015)0627 – C8-0392/2015 – 2015/0284(COD))
P8_TC1-COD(2015)0284
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' Mejju 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fis-suq intern

204

 

Il-Ħamis 1 ta’ Ġunju 2017

2018/C 307/41

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE, rigward ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi (COM(2016)0758 – C8-0529/2016 – 2016/0374(CNS))

205

2018/C 307/42

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi temporanji għall-Ukrajna li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali disponibbli taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (COM(2016)0631 – C8-0392/2016 – 2016/0308(COD))

212

2018/C 307/43

P8_TA(2017)0237
Format uniformi għall-viża ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta' Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (COM(2015)0303 – C8-0164/2015 – 2015/0134(COD))
P8_TC1-COD(2015)0134
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-1 ta’ Ġunju 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża

220

2018/C 307/44

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar abbozz għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022 (14423/2016 – C8-0528/2016 – 2016/0204(APP))

221


Tifsira tas-simboli użati

*

Proċedura ta' konsultazzjoni

***

Proċedura ta' approvazzjoni

***I

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari

***II

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari

***III

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tielet qari

(It-tip ta' proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta' att)

Emendi tal-Parlament:

Il-partijiet tat-testi l-ġodda huma indikati permezz tat-tipa korsiva u grassa . Il-partijiet tat-test imħassra huma indikati permezz tas-simbolu ▌ jew huma ingassati. Is-sostituzzjoni hija indikata billi t-test il-ġdid jiġi indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa u billi jitħassar jew jiġi ingassat it-test sostitwit.

MT

 


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/1


IL-PARLAMENT EWROPEW

SESSJONI 2017–2018

Dati tas-seduti: 15-18 ta’ Mejju 2017

Il-Minuti ta’ din is-sessjoni ġew ippubblikati fil-ĠU C 38, 1.2.2018.

TESTI ADOTTATI

Dati tas-seduti: 31 ta’ Mejju u 1 ta’ Ġunju 2017

Il-Minuti ta’ din is-sessjoni ġew ippubblikati fil-ĠU C 59, 15.2.2018.

TESTI ADOTTATI

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Parlament Ewropew

It-Tlieta 16 ta’ Mejju 2017

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/2


P8_TA(2017)0205

Pjan ta' azzjoni 2016-2020 tal-UE dwar gvern elettroniku

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar pjan ta' azzjoni 2016-2020 tal-UE dwar gvern elettroniku (2016/2273(INI))

(2018/C 307/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Karta dwar id-Dejta Miftuħa tal-G8,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011-2015 – L-użu tal-ICT għall-promozzjoni ta' gvern intelliġenti, sostenibbli u innovattiv” (COM(2010)0743),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar "Is-suq uniku diġitali kompetittiv – il-Gvern elettroniku bħala xprun (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020. Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika” (COM(2016)0179),

wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Komparattiva 2016 tal-Kummissjoni dwar il-gvern elettroniku,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (COM(2015)0192) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġital” (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (Programm ISA2) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu “Standards Ewropej għas-Seklu 21” (COM(2016)0358),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2011 bit-titolu “Il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni – Kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà kriminali” (COM(2011)0163),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu “Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta” (COM(2014)0442),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2016 bit-titolu “Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta” (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv – Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits” (COM(2016)0587) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0300),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (COM(2016)0590) u l-Annessi 1 sa 11 tagħha – Valutazzjoni tal-Impatt (SWD(2016)0303), is-Sommarju Eżekuttiv tal-Valutazzjoni tal-Impatt (SWD(2016)0304), u s-Sommarju Eżekuttiv tal-Evalwazzjoni (SWD(2016)0305),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 fejn tidħol il-promozzjoni tal-konnettività tal-internet fil-komunitajiet lokali (COM(2016)0589),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni,

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilll tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (“ir-Regolament eIDAS”),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (Direttiva PSI),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta' e-Card Ewropea tas-servizzi u l-faċilitajiet amministrattivi relatati (COM(2016)0824),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 bit-titolu “L-Iskambjar u l-Protezzjoni tad-Data Personali f'Dinja Globalizzata” (COM(2017)0007),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 bit-titolu “Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data” (COM(2017)0009),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta' data personali f'komunikazzjoni elettronika u li jħassar id-Direttiva 2002/58/KE (Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika) (COM(2017)0010),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu tat-tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (COM(2017)0008),

wara li kkunsidra d-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta' databases,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu “Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa” (COM(2016)0178),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 dwar “Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa” (COM(2016)0381),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0178/2017),

A.

billi l-istrateġiji għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġ jiġu adattati għal ambjent li qed jinbidel, b'tali mod li jippermettu t-trasformazzjoni fi gvern diġitali;

B.

billi jenħtieġ li d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tal-gvern tgħin biex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku, tippromwovi titjib fl-eżerċizzju taċ-ċittadinanza, ittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tar-reġjuni, issaħħaħ il-fehim taċ-ċittadini u l-involviment tagħhom fis-servizzi pubbliċi u ttejjeb l-effiċjenza u l-kosteffettività tagħhom, kif ukoll issaħħaħ il-parteċipazzjoni politika billi ttejjeb id-djalogu taċ-ċittadini mal-awtoritajiet pubbliċi u żżid it-trasparenza; billi jenħtieġ li l-UE tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki u teknoloġiji bejn Stat Membru u ieħor;

C.

billi s-settur tal-ICT huwa msejjaħ biex jassisti dan il-proċess ta' trasformazzjoni billi jipprovdi soluzzjonijiet imfassla apposta għall-amministrazzjonijiet pubbliċi;

D.

billi t-trasformazzjoni fi gvern diġitali trid tinbeda fil-livell tal-Unjoni, tal-Istati Membri, reġjonali u lokali;

E.

billi l-potenzjal sħiħ ta' amministrazzjoni pubblika diġitali jista' jintlaħaq biss jekk iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jafdaw bis-sħiħ is-servizzi offruti;

F.

billi l-Portal tal-Ġustizzja Elettronika tal-UE huwa għodda essenzjali fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni u l-ġustizzja, u jikkostitwixxi pass importanti fil-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tal-UE;

G.

billi huwa mistenni li aċċess aħjar għall-informazzjoni u ż-żieda fl-użu ta' għodda diġitali mtejba għal formalitajiet relatati mal-liġi tal-kumpaniji matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-kumpaniji jżidu ċ-ċertezza legali u jnaqqsu l-ispejjeż tal-kumpaniji;

H.

billi għaddejjin sforzi biex jiġu interkonnessi r-reġistri tan-negozji elettroniċi u tal-insolvenza fl-Unjoni kollha, li huwa importanti għat-trasparenza u ċ-ċertezza legali fis-suq intern;

I.

billi aċċess uniku għal dawn ir-reġistri permezz tal-Portal tal-Ġustizzja Elettronika għadu mhux possibbli minħabba d-differenzi fl-istandards tekniċi użati mill-Istati Membri; billi hemm bżonn aktar sforzi sabiex iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jiddisponu minn għodod ta' gvern elettroniku aċċessibbli, interoperabbli u faċli biex jintużaw; billi ċertu livell ta' protezzjoni u sigurtà fl-ipproċessar tad-dejta huwa prerekwiżit bażiku għall-użu tal-ġustizzja elettronika, fid-dawl tan-natura tad-dejta involuta fil-ħidma ġudizzjarja;

1.

Jemmen li l-iżvilupp tal-gvern elettroniku huwa element ewlieni tas-Suq Uniku Diġitali, u jistieden lill-Kummissjoni tidentifika miri speċifiċi u li jistgħu jitkejlu għall-Pjan ta' Azzjoni abbażi ta' indikaturi tal-prestazzjoni, u tissorvelja u tirrapporta kull sena lill-Parlament dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tiegħu; jenfasizza li l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku 2011-2015 ta riżultati pożittivi kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw ukoll il-ħtiġijiet tal-konsumaturi biex jiżdied il-livell ta' użu tas-servizzi elettroniċi;

L-amministrazzjonijiet pubbliċi jaqilbu għad-diġitali

2.

Huwa tal-fehma li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom ikunu miftuħin, trasparenti, effiċjenti u inklużivi, u jipprovdu servizzi pubbliċi diġitali minn tarf għall-ieħor, bla fruntieri, personalizzati, faċli biex jintużaw u aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji minn hawn u l-2022, u b'hekk inaqqsu l-ispejjeż, l-ostakli u l-piżijiet amministrattivi għaċ-ċittadini u n-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, u għaldaqstant jitgawdew il-benefiċċji kollha tar-rivoluzzjoni diġitali; iqis, madankollu, li dan għandu jkun kompatibbli ma' ristrutturar ġust fl-amministrazzjoni pubblika;

3.

Jappoġġja l-pjan biex inizjattivi futuri jkunu bbażati fuq il-prinċipju “diġitali b'mod awtomatiku”, u jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' “darba biss”, li jagħmel l-interazzjoni mal-amministrazzjonijiet pubbliċi aktar faċli għaċ-ċittadini u n-negozji billi jiġu evitati proċessi amministrattivi li jieħdu wisq ħin u jagħmilha aktar faċli li informazzjoni mogħtija preċedentement terġa' tintuża għal applikazzjonijiet oħrajn; jenfasizza li, fil-fatt, skont l-istudji tal-Kummissjoni, l-implimentazzjoni tal-approċċ tal-prinċipju ta' “darba biss” fil-livell tal-UE mistennija tiffranka madwar EUR 5 biljun kull sena sal-2017; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati tal-proġett pilota fuq skala kbira ta' darba biss għan-negozji u biex sal-aħħar tal-2017 tniedi proġett pilota fuq skala kbira ta' darba biss għaċ-ċittadini;

4.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kemm jista' jkun malajr portal diġitali uniku li jipprovdi liċ-ċittadini u n-negozji pakkett interkonness u koerenti ta' servizzi tas-suq uniku online, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, li jkopri informazzjoni dwar ir-regoli nazzjonali u tal-UE, kif ukoll servizzi ta' assistenza, u li jitlestew il-proċeduri l-aktar importanti għaċ-ċittadini u n-negozji f'sitwazzjonijiet transfruntiera u tgħin fl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' darba biss fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u rapida tiegħu u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-funzjonament effiċjenti u l-interoperabbiltà tiegħu, sabiex jiġu sfruttati l-potenzjal sħiħ u l-benefiċċji tiegħu; jenfasizza li għandha ssir promozzjoni tal-aħjar prattiki eżistenti li diġà jintużaw f'xi Stati Membri; jemmen li din l-inizjattiva għandha tiżgura li l-Istati Membri kollha jkollhom portal elettroniku uffiċjali uniku li jipprovdi aċċess għas-servizzi online kollha tagħhom u għas-servizzi interoperabbli disponibbli tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni rapida u sħiħa tal-portali tal-“Punti ta' Kuntatt Uniku”;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar modi biex tippromwovi soluzzjonijiet diġitali għall-formalitajiet matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta' kumpanija, l-arkivjar elettroniku tad-dokumenti tal-kumpaniji u l-għoti ta' informazzjoni transfruntiera jew ta' tip ieħor għar-reġistri tan-negozji; jinnota li f'dan il-qasam il-leġiżlazzjoni taf tkun l-uniku mod biex jinħoloq qafas legali xieraq għal soluzzjonijiet diġitali applikabbli fl-UE kollha;

6.

Iqis li l-ħidma fuq l-interkonnessjoni elettronika tar-reġistri tan-negozji u tal-insolvenza tal-Istati Membri għandha tissaħħaħ, u jenfasizza l-importanza ta' din l-interkonnessjoni għas-suq intern; jenfasizza li kwalunkwe informazzjoni li għandha tingħata għandha timxi fuq mudell jew qafas Ewropew komuni;

7.

Jenfasizza l-importanza tal-inklużività, l-aċċessibbiltà u l-aċċess ġenerali għas-servizzi pubbliċi diġitali, fattur essenzjali li jsostni t-tfassil u t-twassil ta' politiki li jippromwovu l-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi, u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ u japplikaw id-direttiva l-ġdida dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku, li se tkun ta' benefiċċju għall-anzjani u l-persuni b'diżabilità;

8.

Jenfasizza l-importanza ta' “dejta miftuħa”, fejn ċerta informazzjoni tas-settur pubbliku tkun liberament disponibbli għall-użu u l-użu mill-ġdid, inkluż minn partijiet terzi, fi ħdan u bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi; jenfasizza l-ħtieġa ta' salvagwardji li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-awtur u l-protezzjoni tad-dejta; itenni li fluss miftuħ u inklużiv tad-dejta jippermetti l-iżvilupp ulterjuri u l-ħolqien ta' soluzzjonijiet innovattivi ġodda, u b'hekk tiżdied l-effiċjenza kif ukoll it-trasparenza; jenfasizza li dan it-tip ta' dejta u informazzjoni pubblika għandhom għalhekk jitqiegħdu għad-dispożizzjoni meta jkun possibbli, bil-ħsieb li jitrawmu opportunitajiet ġodda għall-għarfien u jingħata kontribut għall-iżvilupp u t-tisħiħ ta' soċjetà miftuħa; ifakkar li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom, kemm jista' jkun, iqiegħdu l-informazzjoni għad-dispożizzjoni, speċjalment meta l-volum tad-dejta ġġenerat ikun kbir ħafna, bħal fil-każ tal-programm INSPIRE; iqis li għandhom isiru aktar sforzi biex jiġu implimentati strateġiji kkoordinati dwar id-dejta kemm fl-istituzzjonijiet tal-UE u kemm fl-Istati Membri, inkluż biex jiżdied u jitħaffef ir-rilaxx ta' dejta fid-dominju pubbliku, jiġu żgurati kwalità aħjar u aċċess faċli għad-dejta u tiġi pprovduta leġiżlazzjoni elettronika f'formati li jinqraw mill-magni;

9.

Jenfasizza l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni elettronika u jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar użu mill-konsultazzjoni elettronika, l-informazzjoni elettronika u t-teħid tad-deċiżjonijiet elettroniku; jenfasizza li sabiex jiġi evitat l-abbuż tas-sistemi, il-parteċipazzjoni elettronika, u b'mod partikolari fir-rigward tat-teħid tad-deċiżjonijiet elettroniku, jeħtieġ tkun konformi mar-Regolament eIDAS, sabiex jiġu żgurati r-responsabbiltà u t-trasparenza;

10.

Jilqa' l-inizjattivi meħuda mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jitjiebu l-mekkaniżmi ta' parteċipazzjoni elettronika fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri u jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa u tippromwovi aktar l-għodod diġitali, bħas-sistemi ta' votazzjoni elettronika u l-petizzjonijiet elettroniċi, li għandhom l-għan li jtejbu u jħeġġu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tan-negozji fil-proċess tat-tfassil ta' politika tal-UE;

11.

Jinnota li l-użu tal-apparat mobbli żdied b'mod sinifikanti matul l-aħħar ħames snin, filwaqt li terz biss tas-siti elettroniċi pubbliċi huma aċċessibbli fuq apparat mobbli; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jivvalutaw il-possibbiltajiet li jiżviluppaw soluzzjonijiet mobbli għas-servizzi tal-gvern elettroniku, u jiżguraw l-użu faċli għall-utent u l-aċċessibbiltà tagħhom għal kulħadd; jenfasizza li sabiex l-aċċessibbiltà tas-servizzi tal-gvern elettroniku tkun valida għall-futur, is-siti web u l-istrumenti tal-amministrazzjoni pubblika jeħtieġ jinżammu aġġornati mat-teknoloġija moderna u r-rekwiżiti ta' ċibersigurtà li dejjem qed jevolvu;

12.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jużaw l-akkwist elettroniku fix-xiri ta' provvisti u servizzi jew fil-ħruġ ta' offerti għal xogħlijiet pubbliċi, u b'hekk l-infiq pubbliku jsir aktar trasparenti u effiċjenti u jwassal għal inqas spejjeż u inqas burokrazija; jistieden ukoll lill-Istati Membri jżidu l-użu ta' reġistri tal-kuntratti u firem elettroniċi interoperabbli fis-setturi pubbliċi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-proċeduri ta' akkwist publiku jkunu trasparenti u li l-informazzjoni tkun disponibbli f'ħin reali għal dawk kollha li jipparteċipaw fihom; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-użu tal-kriterji ta' innovazzjoni fl-offerti pubbliċi, b'mod partikolari billi tiżgura li l-offerti ma jimponux soluzzjonijiet iżda jħallu lok għall-offerenti biex jipproponu soluzzjonijiet innovattivi u miftuħa; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha fuq il-fatturazzjoni elettronika, is-sottomissjoni elettronika u n-notifika elettronika, u tħeġġeġ l-użu tal-identifikazzjoni elettronika fis-sistemi interni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex jitjiebu r-responsabbiltà u t-traċċabbiltà fir-rigward tal-operazzjonijiet kollha f'sistemi bħal dawn;

13.

Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati servizzi pubbliċi transfruntiera sikuri, affidabbli u interoperabbli, filwaqt li tiġi evitata aktar frammentazzjoni u jingħata appoġġ lill-mobbiltà; jenfasizza li l-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni huma fost l-elementi ewlenin għall-implimentazzjoni tal-gvern elettroniku, u għalhekk jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Standards Ewropej għas-Seklu 21” u anke, f'dan ir-rigward, ir-reviżjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà; jenfasizza li l-użu ta' standards miftuħa huwa fundamentali biex iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-pjattaformi tal-gvern, u jenfasizza li l-istandards jeħtieġ jaqdu l-interessi tas-soċjetà kollha kemm hi billi jkunu inklużivi, ġust u validi għall-futur, u li jiġu żviluppati b'mod miftuħ u trasparenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jippromwovu standards miftuħa fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet diġitali pubbliċi u jagħtu aktar attenzjoni lill-interoperabbiltà u l-benefiċċji potenzjali tal-użu effikaċi tat-teknoloġija diġitali;

14.

Jiddispjaċih li, fl-2015, 28 % biss tad-djar Ewropej fiż-żoni rurali kellhom konnessjoni tal-internet fissa rapida u li l-kopertura medja fl-UE tal-4G, minkejja li hija ta' 86 % fl-UE kollha hija ta' 36 % biss fiż-żoni rurali, u jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti ta' appoġġ kontinwu għall-espansjoni tal-broadband, speċjalment fiż-żoni rurali, peress li l-aċċess għal konnessjoni broadband b'veloċità għolja hija indispensabbli għall-użu u għall-benefiċċju mis-servizzi tal-gvern elettroniku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, ikomplu jipprovdu finanzjament adegwat għall-espansjoni tal-broadband, l-infrastruttura tas-servizzi diġitali u l-interazzjoni transkonfinali tal-amministrazzjoni pubblika wara l-2020, fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jew programmi oħra adatti tal-UE, sabiex b'hekk tiġi żgurata sostenibbiltà fit-tul; jistieden lill-operaturi, f'dan ir-rigward, jinvestu aktar fl-infrastruttura biex titjieb il-konnettività fiż-żoni rurali u jiżguraw li anke ż-żoni rurali jibbenefikaw minn netwerks ta' kapaċità għolja ħafna fl-għamla ta' 5G, peress li din se tkun parti kostituttiva ewlenija tas-soċjetà diġitali tagħna;

15.

Jenfasizza li l-użu sħiħ ta' infrastrutturi sikuri, adegwati, reżiljenti, affidabbli u ta' prestazzjoni għolja, bħal netwerks tat-telekomunikazzjonijiet u tal-broadband ultraveloċi, huwa essenzjali għall-funzjonament tas-servizzi tal-gvern elettroniku; jitlob, għalhekk, li l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi jiġi adottat b'mod rapidu biex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi Ewropej; iqis li huwa kruċjali li l-awtoritajiet pubbliċi jinżammu aġġornati mal-iżviluppi teknoloġiċi u jkollhom kapaċità suffiċjenti biex jadottaw teknoloġiji innovattivi, bħall-big data u l-internet tal-oġġetti, jew l-użu ta' servizzi mobbli, bħall-5G, li jkunu kapaċi jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti;

16.

Iqis li l-użu mill-ġdid tal-moduli tekniċi tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) fis-settur pubbliku u dak privat huwa essenzjali għall-funzjonament tal-infrastruttura tas-servizzi diġitali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu garantiti kemm is-sostenibbiltà fit-tul tal-moduli tekniċi tas-CEF kif ukoll ir-riżultati ta' proġetti pilota fuq skala kbira u tal-ISA2 lil hinn mill-2020; jenfasizza l-potenzjal offrut mill-inizjattiva Wifi4EU fil-promozzjoni tal-aċċess universali għal netwerks ta' veloċità għolja; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri, struttura ta' governanza fit-tul bl-għan li jintlaħqu l-miri tas-Suq Uniku Diġitali, li għandu jkollu l-prijorità li jirreaġixxi għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji, u li għandu jippromwovi, kull fejn ikun possibbli, l-użu ta' standards komuni;

17.

Jinnota li l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi għal servizzi pubbliċi intensivi mil-lat ta' dejta, bħalma hu l-użu tas-servizzi ta' cloud computing, għadha kajmana u frammentata; ifakkar li servizzi bħal INSPIRE jiġġeneraw volumi kbar ta' dejta, u dan jirrikjedi kapaċità informatika ta' livell ogħla; jilqa', f'dan ir-rigward, l-“Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing” tal-Kummissjoni u jqis li l-bażi tal-utenti tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa għandha tiġi estiża għas-settur pubbliku;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-Portal tal-Ġustizzja Elettronika u l-użu tiegħu, u biex tagħmlu punt uniku ta' servizz għall-informazzjoni legali rilevanti kollha u għall-aċċess għall-ġustizzja fl-Istati Membri; jinnota, madankollu, li mhux il-partijiet għall-proċedimenti kollha għandhom aċċess ugwali u l-ħiliet neċessarji biex jużaw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u dan jista' jfisser li l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja jkun limitat; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex persuni b'diżabilità jingħataw aċċess għall-Portal tal-Ġustizzja Elettronika;

19.

Jilqa' l-introduzzjoni tal-e-CODEX, li jippermetti komunikazzjoni diretta bejn iċ-ċittadini u l-qrati fl-Istati Membri kollha, bħala pass importanti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess transfruntier għas-servizzi pubbliċi;

20.

Jifraħ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ħidma tagħhom biex jintroduċu l-Identifikatur Ewropew tal-Każistika (ECLI), li huwa siewi ħafna għar-riċerka legali u d-djalogu ġudizzjarju, u jilqa' l-ħolqien tal-magna tat-tiftix tal-ECLI, li għandha tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni legali fl-Unjoni kollha;

21.

Itenni l-ħtieġa li jittejbu l-ħiliet diġitali tal-persunal amministrattiv, kif ukoll dawk taċ-ċittadini u n-negozji kollha, permezz tal-iżvilupp u l-appoġġ ta' attivitajiet ta' taħriġ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex ikun minimizzat ir-riskju ta' esklużjoni diġitali, u li jiġu introdotti korsijiet ta' taħriġ speċjalizzati dwar is-servizzi tal-gvern elettroniku għall-impjegati taċ-ċivil u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet; jenfasizza li l-ħiliet diġitali huma prerekwiżit assolut għall-parteċipazzjoni fil-gvern elettroniku; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' kurrikuli ta' tagħlim elettroniku rikonoxxuti fis-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS); iqis li element ewlieni għall-iżvilupp tal-gvern elettroniku huwa żieda kontinwa fl-iżvilupp tal-ħiliet diġitali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati u evitati d-distakki diġitali bejn iż-żoni ġeografiċi, bejn il-persuni minn livelli soċjoekonomiċi differenti u bejn il-ġenerazzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jilqgħu s-suġġerimenti fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku li jippermettu liż-żgħażagħ, b'mod partikolari, jinteraġixxu ma' korpi amministrattivi b'modi li jirriflettu d-drawwiet komunikattivi tagħhom f'oqsma oħra ta' ħajjithom, u jenfasizza wkoll li t-tagħlim tal-ħiliet diġitali huwa partikolarment importanti fil-każ tal-anzjani, li spiss ma jkollhomx ħiliet jew fiduċja fl-użu tas-servizzi elettroniċi; iqis li l-Istati Membri għandhom jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja u jiffaċilitaw il-komunikazzjoni u l-kampanji edukattivi, inkluż il-ħolqien ta' netwerks għat-tagħlim tal-litteriżmu medjatiku, sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-kapaċitajiet offruti mill-portali u s-servizzi ġodda tal-gvern elettroniku;

22.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ doppju, online u offline, inklużiv, biex tiġi evitata l-esklużjoni, meta titqies ir-rata attwali ta' illitteriżmu diġitali u l-fatt li aktar minn 22 % tal-Ewropej, speċjalment l-anzjani, jippreferu ma jużawx is-servizzi online meta jinteraġixxu ma' amministrazzjonijiet pubbliċi; jenfasizza li hemm bosta raġunijiet u ostakli li jwasslu biex persuna tirrifjuta li tuża s-servizzi online u li għandhom jiġu indirizzati jew eliminati, bħalma huma nuqqas ta' għarfien, nuqqas ta' ħiliet, nuqqas ta' fiduċja u perċezzjonijiet żbaljati; jemmen li sabiex tiġi evitata l-esklużjoni diġitali jew distakk diġitali aktar profond, għandhom jiġu żgurati l-aċċess u l-kwalità tas-servizzi tal-gvern elettroniku għaċ-ċittadini li jgħixu f'żoni rurali, muntanjużi jew remoti;

23.

Jenfasizza li l-qalba għad-diġitali tista' ġġib magħha ffrankar fl-ispejjeż għall-awtoritajiet pubbliċi; jifhem li d-diġitalizzazzjoni u sfidi oħra li joriġinaw mill-pakketti ta' modernizzazzjoni sikwit jiġu indirizzati f'kuntest ta' restrizzjonijiet baġitarji, u li, b'mod partikolari, l-awtoritajiet reġjonali u lokali għad għandhom quddiemhom piż ta' xogħol enormi fis-snin li ġejjin li għalhekk se jkun jeħtieġ mhux biss l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet diġitali bbażati fuq standards miftuħa, u b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż għall-manutenzjoni u tiżdied l-innovazzjoni, iżda wkoll il-promozzjoni ta' sħubijiet pubbliċi-privati; jenfasizza li l-kosteffettività se tidher maż-żmien peress li l-investiment fid-diġitalizzazzjoni se tgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi fil-futur; jenfasizza li, sadanittant, il-bżonn ta' approċċ online u offline jibqa' inevitabbli;

24.

Jirrimarka li, meta tiġi kkunsidrata d-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri amministrattivi individwali, iridu jitqiesu l-oġġezzjonijiet ibbażati fuq l-interess pubbliku prevalenti;

Gvern elettroniku transfruntier fil-livelli amministrattivi kollha

25.

Jenfasizza l-importanza li tinħoloq infrastruttura transfruntiera sostenibbli tal-gvern elettroniku bil-għan li tissimplifika l-aċċess tal-erba' libertajiet fundamentali u l-eżerċizzju tagħhom;

26.

Jenfasizza l-importanza ta' servizzi transfruntiera tal-gvern elettroniku għaċ-ċittadini fil-ħajja ta' kuljum tagħhom, u jenfasizza l-benefiċċji li jkompli jiġi żviluppat Skambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI) u l-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol tal-EURES, kif ukoll is-servizzi elettroniċi tas-saħħa transfruntiera;

27.

Jilqa' l-inizjattivi differenti tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu żviluppati preskrizzjonijiet diġitali transfruntiera, b'mod partikolari fir-rigward tal-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni; jenfasizza, madankollu, li l-adozzjoni ta' dawn is-soluzzjonijiet hija kajmana wisq meta jitqiesu l-valur u l-importanza ta' servizzi bħal dawn għaċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun fis-seħħ qafas xieraq biex titrawwem il-fiduċja bejn l-Istati Membri u jitħaffef l-iżvilupp ta' preskrizzjonijiet diġitali transfruntiera, mill-protezzjoni tad-dejta u s-sigurtà tal-iskambji tad-dejta għat-tnedija tal-infrastruttura u s-servizzi diġitali meħtieġa;

28.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa u tippromwovi aktar l-użu tal-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol tal-EURES, permezz ta' integrazzjoni aktar mill-qrib u kollaborazzjoni bejn is-sistemi tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u l-portal EURES, sabiex tiġi ffaċilitata u tiżdied il-mobbiltà ta' min iħaddem u ta' dawk li jkunu qed ifittxu xogħol fl-Unjoni Ewropea;

29.

Jenfasizza li s-servizzi tas-saħħa elettronika jistgħu jtejbu b'mod sinifikanti l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini billi jipprovdu lill-pazjenti kura tas-saħħa aktar aċċessibbli, kosteffikaċi u effiċjenti;

30.

Iqis li għall-funzjonament sħiħ tas-servizzi transfruntiera tal-gvern elettroniku jeħtieġ jiġu indirizzati l-ostakli lingwistiċi, u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, speċjalment fir-reġjuni tal-fruntiera, għandhom jagħmlu l-informazzjoni u s-servizzi tagħhom disponibbli bil-lingwi tal-Istat Membru tagħhom iżda anke b'lingwi Ewropej rilevanti oħra;

31.

Jenfasizza l-importanza li jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki, eżempji u esperjenza ta' proġetti fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni, kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejn Stat Membru u ieħor; jirrikonoxxi l-fatt li r-riżultati tal-proġetti pilota fuq skala kbira ffinanzjati mill-UE, bħal eSENSE, eCODEX u TOOP, jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-titjib tas-servizzi transfruntiera fl-Ewropa;

32.

Huwa tal-fehma li monitoraġġ komprensiv tal-prestazzjoni tal-gvern elettroniku fl-Istati Membri għandu jiżgura li l-metodoloġija tal-prestazzjoni tqis l-ispeċifiċitajiet nazzjonali b'mod adegwat; jenfasizza l-benefiċċji ta' prestazzjoni mkejla b'mod affidabbli fl-Istati Membri għal dawk li jfasslu l-politika u l-opinjoni pubblika;

33.

Jirrimarka li l-interoperabbiltà, l-istandards miftuħa u d-dejta miftuħa mhumiex biss fundamentali f'kuntest transfruntier iżda huma meħtieġa wkoll fil-livell amministrattiv nazzjonali, reġjonali u lokali f'kull Stat Membru, filwaqt li titqies ukoll il-ħtieġa tal-protezzjoni tad-dejta fit-trasferiment tal-informazzjoni;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jkunu ta' eżempju fil-qasam tal-gvern elettroniku u joffru portal trasparenti u faċli biex jintuża għaċ-ċittadini u n-negozji, kif ukoll servizzi diġitali minn tarf għall-ieħor, b'mod partikolari għall-applikazzjoni għall-fondi tal-UE u l-akkwist pubbliku, u jistieden ukoll lill-Kummissjoni tħaffef l-isforzi tagħha fit-traduzzjoni tas-siti web tagħha fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE kollha u tenfasizza l-aħjar prattiki;

Il-protezzjoni tad-dejta u s-sigurtà

35.

Jenfasizza li l-fiduċja taċ-ċittadini fil-protezzjoni tad-dejta personali hija fundamentali biex jiġi żgurat is-suċċess tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020, u jenfasizza li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġ jittrattaw id-dejta personali b'mod sikur u f'konformità sħiħa mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u mar-regoli tal-UE dwar il-privatezza, biex b'hekk tissaħħaħ il-fiduċja fis-servizzi diġitali;

36.

Jenfasizza li fil-kuntest tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għandu jiġi kkunsidrat ukoll pjan dwar is-saħħa elettronika, peress li dan huwa parti importanti minnu; iqis li l-ġbir u t-trasferiment tad-dejta għandhom jitjiebu u li t-trasferiment tad-dejta transfruntier għandu jkun jista' jsir jekk ikun meħtieġ f'ċerti każijiet, peress li dan jiffaċilita l-forniment tas-servizzi tas-saħħa għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

37.

Jirrimarka li, fl-istess ħin, il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta m'għandhiex titqies bħala ostaklu, iżda pjuttost għandha titqies bħala punt tat-tluq għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi ta' gvern elettroniku, u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa ta' gwida effikaċi dwar l-applikazzjoni tal-GDPR, kif ukoll ta' skambju kontinwu mal-partijiet ikkonċernati;

38.

Jinnota li 15 % biss tal-Ewropej jiddikjaraw li għandhom sens ta' kontroll sħiħ fuq l-użu tad-dejta personali tagħhom; iqis li huwa importanti li jkompli jiġi esplorat il-prinċipju tas-sjieda tad-dejta, u jemmen li l-miżuri meħuda fil-futur ikunu jistgħu jibnu fuq il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data” u proposti relatati oħra;

39.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni rapida u kompluta tar-Regolament eIDAS, peress li l-firem elettroniċi, l-identifikazzjoni elettronika u l-awtentifikazzjoni elettronika huma l-partijiet kostituttivi bażiċi tas-servizzi pubbliċi diġitali transfruntiera; jenfasizza l-importanza li titħeġġeġ l-adozzjoni ta' skemi tal-eID notifikati skont ir-Regolament eIDAS min-naħa taċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjoni pubblika; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-adozzjoni ta' dawn il-faċilitaturi ewlenin għandha tkun prijorità kemm tas-settur privat kif ukoll tas-settur pubbliku fl-iżvilupp tas-servizzi diġitali; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tieħu azzjoni biex tiffaċilita u tippromwovi l-kooperazzjoni pubblika-privata fl-użu transfruntier u transsettorjali tal-identifikazzjoni u l-firem diġitali; jilqa' wkoll il-Programm ISA2, li jkopri l-politiki kollha tal-UE li jirrikjedu l-interoperabbiltà tas-sistemi li jitħaddmu fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali;

40.

Jenfasizza li miżuri biex l-awtoritajiet pubbliċi jiġu protetti miċ-ċiberattakki u jkunu kapaċi jifilħu għal dawn l-attakki huma importanti ħafna u jeħtieġ li jiġu żviluppati; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ fil-livell Ewropew f'dan ir-rigward, b'mod partikolari minħabba li l-prinċipju ta' darba biss, li huwa komponent tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020, jiddependi fuq l-iskambju tad-dejta taċ-ċittadini bejn il-korpi amministrattivi Ewropej;

41.

Jenfasizza li s-sigurtà tad-dejta trid titqies mill-fażi tad-disinn tal-applikazzjonijiet, li jeħtieġ ikunu moderni u faċli biex jiġu mmaniġġjati, u ta' proċessi amministrattivi, li jkunu effiċjenti (“sigurtà fid-disinn”) sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mit-teknoloġiji moderni;

o

o o

42.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 64.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0009.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2016)0089.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/11


P8_TA(2017)0206

Rapport Annwali 2015 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Ġlieda kontra l-frodi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar ir-Rapport annwali 2015 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – Ġlieda kontra l-frodi (2016/2097(INI))

(2018/C 307/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2016 bit-titolu “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Rapport Annwali 2015 dwar –il-ġlieda kontra l-frodi–” (COM(2016)0472) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh (SWD(2016)0234, SWD(2016)0235, SWD(2016)0236, SWD(2016)0237, SWD(2016)0238 u SWD(2016)0239),

wara li kkunsidra r-rapport annwali 2015 tal-OLAF u r-Rapport tal-Attività 2015 tal-Kumitat Superviżorju tal-OLAF,

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2016 bit-titolu “Il-protezzjoni tal-baġit tal-UE sa tmiem l-2015” (COM(2016)0486),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta' attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Erkole III) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE (1),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta' Lulju 2013 għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)0534),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (2),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-11 ta' Lulju 2012 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u segwitu għar-riżoluzzjoni CRIM (4),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (5),

wara li kkunsidra r-Rapport 2015 dwar id-Diskrepanza tal-VAT ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea u dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT (COM(2016)0148),

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-Kawża C-105/14, Taricco et (6),

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 24/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-3 ta' Marzu 2016 bit-titolu “L-indirizzar tal-frodi intra-Komunitarja tal-VAT: Tinħtieġ aktar azzjoni”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE (7),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (8),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0159/2017),

A.

billi, de jure, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom responsabbiltà kondiviża għall-implimentazzjoni ta' madwar 80 % tal-baġit tal-Unjoni; billi, de facto, madankollu, il-Kummissjoni u l-Istati Membri li jonfqu dawk ir-riżorsi huma responsabbli biex tingħata ħarsa ġenerali lejn dawk il-proġetti f'dak li għandu x'jaqsam mal-għoti ta' ċertu livell ta' kontroll; billi l-Istati Membri huma primarjament responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji, fost l-oħrajn fl-għamla ta' VAT u dazji doganali;

B.

billi l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE jenħtieġ li tkun element ewlieni tal-politika tal-UE biex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini billi jiġi żgurat li flushom jintużaw b'mod xieraq u skont l-approċċ “l-aħjar użu minn kull euro”;

C.

billi l-kisba ta' prestazzjoni tajba permezz ta' proċessi ta' simplifikazzjoni tinvolvi l-valutazzjoni regolari tal-inputs, l-outputs, l-eżiti/ir-riżultati u l-impatti permezz ta' awditi tal-prestazzjoni;

D.

billi l-Artikolu 325(2) tat-TFUE jgħid li l-Istati Membri “għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħalma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess”;

E.

billi l-Artikolu 325(3) tat-TFUE jgħid li l-Istati Membri “għandhom jorganizzaw, flimkien mal-Kummissjoni, koperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti”;

F.

billi d-diversità li teżisti fis-sistemi ġuridiċi u amministrattivi fl-Istati Membri tippreżenta ambjent diffiċli biex jingħelbu l-irregolaritajiet u tiġi miġġielda l-frodi; u billi jenħtieġ li l-Kummissjoni, għaldaqstant, iżżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-ġlieda kontra l-frodi tiġi implimentata b'mod effikaċi u tipproduċi riżultati aktar tanġibbli u aktar sodisfaċenti;

G.

billi l-użu ta' data sensittiva qed jidher b'mod dejjem iżjed ċar bħala fattur li qed jikkontribwixxi għal frodi;

H.

billi l-VAT tikkostitwixxi sors ta' dħul importanti u dejjem akbar għall-Istati Membri, u rendiet kważi EUR 1 triljun fl-2014, filwaqt li kkontribwiet EUR 17 667 miljun għar-riżorsi proprji tal-UE jew 12,27 % tad-dħul totali tal-UE fl-2014;

I.

billi s-sistema attwali tal-VAT, b'mod partikolari kif applikata għal tranżazzjonijiet transfruntiera, hija vulnerabbli għal strateġiji ta' frodi u ta' evitar tat-taxxa, fejn il-frodi MTIC (Frodi Intra-Komunitarja b'Negozjant Nieqes, magħrufa bħala frodi karusell) waħedha kienet responsabbli għal telf ta' madwar EUR 50 biljun mid-dħul tal-VAT fl-2014;

J.

billi d-diskrepanza tal-VAT tammonta għal madwar EUR 159,9 biljun fl-2014 u tvarja minn inqas minn 5 % għal aktar minn 40 % skont il-pajjiż ikkunsidrat;

K.

billi l-korruzzjoni taffettwa lill-Istati Membri kollha, partikolarment fl-għamla ta' kriminalità organizzata, u mhux biss tqiegħed piż fuq l-ekonomija tal-UE, iżda ddgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Ewropa kollha; billi, madankollu, iċ-ċifri eżatti mhumiex magħrufa, peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tippubblikax id-data fir-rapport dwar il-politika tal-UE kontra l-korruzzjoni;

L.

billi l-frodi hija eżempju ta' għemil ħażin intenzjonat u tikkostitwixxi reat kriminali, u billi kwalunkwe irregolarità hija nuqqas ta' konformità ma' regola;

M.

billi l-fluttwazzjoni fl-għadd ta' irregolaritajiet tista' tkun marbuta mal-progressjoni taċ-ċikli ta' programmazzjoni pluriennali (b'livelli ogħla ta' individwazzjoni fi tmiem iċ-ċikli minħabba l-għeluq tal-programmi) kif ukoll ma' rapportar tard min-naħa ta' ċerti Stati Membri li għandhom it-tendenza jirrapportaw il-biċċa l-kbira tal-irregolaritajiet tal-programmi pluriennali preċedenti f'daqqa;

L-individwazzjoni u r-rapportar ta' irregolaritajiet

1.

Jinnota bi tħassib li l-għadd totali ta' irregolaritajiet frodulenti u mhux frodulenti rrapportati fl-2015 żdied b'mod sinifikanti, b'36 %, li wassal għal żieda ta' 5 876 każ fl-għadd ta' irregolaritajiet reġistrati meta mqabbel mal-2014 u li jammonta għal 22 349 każ minħabba ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni f'żewġ Stati Membri; jinnota li għalkemm fl-2015 l-għadd ta' irregolaritajiet żdied, is-somma involuta (EUR 3,21 biljun) naqset bi ftit, b'1 %, meta mqabbla mal-2014 (EUR 3,24 biljun);

2.

Jesprimi tħassib dwar il-fatt li minkejja t-tnaqqis pożittiv ta' 11 % fl-għadd ta' irregolaritajiet irrapportati bħala frodulenti, minn 1 649 fl-2014 għal 1 461 fl-2015, l-ammonti involuti żdiedu bi 18 % minn EUR 538 miljun fl-2014 għal EUR 637,6 miljun fl-2015; jinnota li dokumenti u dikjarazzjonijiet foloz jew iffalsifikati kkostitwew l-aktar tipi komuni ta' frodi, fl-ammont ta' 34 %, filwaqt li l-akbar proporzjon ta' irregolaritajiet irrapportati bħala frodulenti (52 %) kien fis-settur agrikolu, u l-ogħla perċentwal ta' individwazzjoni totali ta' irregolaritajiet frodulenti (75 %) sar mis-sistemi ta' kontroll amministrattivi previsti fir-regolamenti speċifiċi għas-settur;

3.

Jirrimarka li mhux l-irregolaritajiet kollha huma frodulenti u li għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-iżbalji u l-frodi;

4.

Huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-qasam tal-individwazzjoni ta' frodi mhijiex effikaċi biżżejjed;

5.

Ma jaqbilx mal-fehma tal-Kummissjoni li żieda ta' 14 % fir-riżorsi disponibbli fil-baġit tal-UE minn sena għal oħra tista' tiġġustifika ż-żieda ta' 36 % fl-għadd ta' irregolaritajiet;

6.

Jilqa' l-pakkett ta' erba' regolamenti delegati u erba' regolamenti ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rapportar ta' dispożizzjonijiet dwar l-irregolaritajiet fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża, li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità u l-konsistenza tal-informazzjoni dwar l-irregolaritajiet u l-frodi rrapportati mill-Istati Membri; jiddispjaċih li dawn ir-regolamenti ma jirregolawx l-iskadenzi li fihom l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati jirrapportaw l-irregolaritajiet; jiddeplora l-fatt li, fl-2015, f'dak li għandu x'jaqsam ma' irregolaritajiet mhux frodulenti, 537 minn 538 irregolarità rrapportati mill-Irlanda kienu relatati mal-programm ta' rapportar storiku 2000-2006 u li 5 105 minn 5 619-il irregolarità rrapportati minn Spanja kienu relatati ma' irregolaritajiet fis-settur tal-politika ta' koeżjoni individwati matul il-perjodu kollu bejn l-2007 u l-2013, u li ġew rapportati lkoll flimkien fl-2015, u li n-Netherlands irrapportaw każ wieħed biss relatat mas-settur tas-sajd fl-2014 meta mqabbel ma' 53 każ fl-2015; jenfasizza li s-sitwazzjoni fejn l-Istati Membri ma jittrażmettux id-data b'mod f'waqtu jew jipprovdu data mhux preċiża ilha tirrepeti ruħha għal ħafna snin; jenfasizza li jirrizulta impossibbli li jsiru paraguni u valutazzjoni oġġettiva tal-iskala tal-frodi fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

7.

Jinnota li skont l-Artikolu 27(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet relatati ma' taxxi, dazji u miżuri oħra, “il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport kull ħames snin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim tal-arranġamenti stabbiliti minn din id-Direttiva”; jiddispjaċih li l-evalwazzjoni skedata għal mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2017 għadha ma ġietx ippubblikata; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika l-evalwazzjoni mingħajr dewmien;

8.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżviluppa programmi bħal REFIT sabiex tissimplifika l-leġiżlazzjoni tal-UE; jisħaq li s-simplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tgħin biex jonqos l-għadd ta' irregolaritajiet, li ħafna drabi jkunu marbutin ma' regoli u rekwiżiti kumplessi; jinnota li piż amministrattiv imnaqqas jikkostitwixxi ffrankar ta' spejjeż għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u ċ-ċittadini tal-UE u jinkoraġġixxi wkoll lill-benefiċjarji jidħlu fi programmi ġodda tal-UE; jenfasizza li s-simplifikazzjoni tar-regoli għandha tkun konsistenti mal-prinċipju ta' baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati;

9.

Ifakkar li l-Istati Membri jamministraw madwar 80 % tal-baġit tal-UE; iqis, għaldaqstant, li l-Kummissjoni jeħtieġ tgħinhom joħolqu strateġiji nazzjonali kontra l-frodi;

10.

Jiddispjaċih li mhux l-Istati Membri kollha adottaw strateġiji nazzjonali kontra l-frodi;

11.

Jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema uniformi għall-ġbir ta' data komparabbli dwar irregolaritajiet u każijiet ta' frodi mill-Istati Membri sabiex tistandardizza l-proċess ta' rapportar u tiżgura l-kwalità u l-komparabbiltà tad-data pprovduta;

12.

Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/1525 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015, li tejjeb il-qafas attwali għall-individwazzjoni u l-investigazzjoni ta' frodi doganali fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali;

13.

Japprezza l-isforzi li saru min-naħa tal-Istati Membri biex jindivdwaw, jevalwaw u jirrapportaw l-irregolaritajiet u jimplimentaw miżuri effikaċi u proporzjonati kontra l-frodi; jenfasizza li l-azzjoni biex tiġi miġġielda l-frodi tgħin biex tingħata spinta lill-iżvilupp; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tagħmel użu minn assistenza teknika sabiex tgħin fit-tisħiħ tal-kapaċità teknika u amministrattiva tal-awtoritajiet maniġerjali bil-għan li jiġu żgurati sistemi ta' kontroll effikaċi, fosthom billi tintroduċi applikazzjonijiet aktar sempliċi u aktar trasparenti li jkunu kapaċi jnaqqsu r-riskji ta' frodi u jiggarantixxu li kwalunkwe telf ikun jista' jiġi rkuprat; jirrakkomanda li tittejjeb it-trasparenza fil-livelli kollha tal-ġestjoni tal-proġetti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu mexjin f'din id-direzzjoni billi jinkorporaw b'mod gradwali l-użu sistematiku ta' għodod tal-IT fis-sistemi u l-proċeduri ta' kontroll tagħhom bil-għan li jiġġieldu l-irregolaritajiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal u tadotta linji gwida speċjali biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jindividwaw irregolaritajiet;

Id-dħul – riżorsi proprji

14.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-telf minħabba d-diskrepanza tal-VAT u l-frodi intra-Komunitarja tal-VAT, responsabbli għal EUR 159,5 biljun u EUR 50 biljun rispettivament fi dħul mitluf fl-2014; jinnota li żewġ Stati Membri biss – ir-Renju Unit u l-Belġju – jiġbru u jiddisseminaw statistika dwar telf ta' dħul minħabba frodi transfruntiera tal-VAT;

15.

Jirrimarka li l-Kummissjoni m'għandhiex aċċess għall-informazzjoni skambjata bejn l-Istati Membri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra Frodi Intra-Komunitarja b'Negozjant Nieqes (MTIC), magħrufa bħala frodi karusell; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-Eurofisc, sabiex ikun hemm kontroll, valutazzjoni u titjib fl-iskambju ta' data fost l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw fl-oqsma kollha tal-attività tal-Eurofisc sabiex jiġi ffaċilitat u jitħaffef l-iskambju ta' informazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi bħalma huma l-Europol u l-OLAF, kif rakkomandat mill-Qorti tal-Awdituri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill jagħtu aċċess lill-Kummissjoni għal din id-data sabiex titrawwem il-kooperazzjoni, tissaħħaħ l-affidabbiltà tad-data u tiġi miġġielda l-kriminalità transfruntiera;

16.

Jinnota li s-Sistema ta' Skambju ta' Informazzjoni dwar il-VAT (VIES) tat prova li hija għodda utli fil-ġlieda kontra l-frodi billi tippermetti lill-awtoritajiet tat-taxxa jarmonizzaw id-data dwar l-operaturi tas-suq fil-pajjiżi kollha; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-ħinijiet ta' rispons għall-għoti ta' informazzjoni, it-tweġibiet għall-mistoqsijiet u r-reazzjoni għall-iżbalji indikati, kif rakkomandat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

17.

Jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar “il-VAT – Lejn żona unika tal-VAT fl-UE”, ippubblikat fis-7 ta' April 2016; jiddispjaċih ferm li l-pubblikazzjoni tal-“Miżuri biex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa kif ukoll mal-korpi tad-dwana u tal-infurzar tal-liġi u biex isaħħu l-kapaċità tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa” previsti fil-pjan ta' azzjoni għall-2016 se jiġu posposti b'sena; jenfasizza li l-problemi relatati mal-frodi transfruntiera tal-VAT jeħtieġu miżuri b'saħħithom, koordinati u mgħaġġla; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tħaffef il-proċeduri tagħha u tressaq soluzzjonijiet sabiex jiġi evitat it-telf ta' dħul mit-taxxa fl-UE u fl-Istati Membri;

18.

Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-miżuri fuq terminu qasir għall-ġlieda kontra t-telf mill-VAT m'għandhiex iddewwem il-proposta tal-Kummissjoni għal sistema definittiva tal-VAT kif previst fil-pjan ta' azzjoni;

19.

Jinnota b'ċertu sodisfazzjon li ż-żieda fl-ammont ta' riżorsi proprji tradizzjonali (TOR) affettwati mill-frodi fl-2014 kienet kwistjoni ta' sena waħda u li l-livelli tal-2015 (EUR 427 miljun) reġgħu lura għall-medja tas-snin 2011-2015; huwa ddispjaċut, madankollu, li xi wħud mill-Istati Membri ma jikkomunikaw ebda każ ta' irregolaritajiet marbuta mat-TOR;

20.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirkupraw l-ammonti ta' TOR dovuti aktar malajr, speċjalment dawk l-Istati Membri li jeħtieġu jirkupraw l-akbar ammonti; iħeġġeġ lill-Greċja, ir-Rumanija, il-Latvja, Malta u n-Netherlands itejbu l-ġbir tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mat-TOR, peress li r-rata ta' TOR dovuti lilhom għadha ogħla sew mill-medja tal-UE ta' 1,71 % u hija ta' 8,95 %, 5,07 %, 5,04 %, 3,84 % u 3,81 % rispettivament;

21.

Jinnota li l-għadd ta' każijiet ta' irregolaritajiet li ġew irrapportati b'mod volontarju qed jiżdied, u jistieden lill-Istati Membri jaġġustaw l-ispezzjonijiet tad-dwana tagħhom kif xieraq, billi jqisu r-riżultati ta' rapportar volontarju;

22.

Jieħu nota partikolari tal-fatt li 75 % tal-każijiet kollha rrapportati bħala frodulenti jikkonċernaw merkanzija bħal tabakk, makkinarju elettriku, żraben, tessuti, ħadid u azzar u li ċ-Ċina, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Istati Uniti, il-Belarussja, ir-Russja u l-Ukrajna huma rrapportati bl-aktar mod frekwenti bħala l-pajjiżi ta' oriġini ta' din il-merkanzija; jenfasizza li ċ-Ċina hija l-pajjiż ta' oriġini primarju (80 %) għal prodotti foloz, segwita minn Hong Kong, l-Emirati Għarab Magħquda, it-Turkija u l-Indja; jitlob lill-Kummissjoni tqajjem dawn il-problemi matul in-negozjati kummerċjali ma' dawn il-pajjiżi;

23.

Jenfasizza l-fatt li l-kuntrabandu ta' prodotti intaxxati ħafna jikkawża telf ta' dħul sinifikanti għall-baġits tal-UE u tal-Istati Membri, u li huwa stmat li t-telf dirett mid-dħul doganali bħala riżultat tal-kuntrabandu tas-sigaretti waħdu jammonta għal aktar minn EUR 10 biljun kull sena;

24.

Jinnota bi tħassib li l-kuntrabandu tat-tabakk lejn l-UE sar aktar intensiv f'dawn l-aħħar snin u, skont l-istimi, jirrappreżenta telf annwali ta' EUR 10 biljun fi dħul pubbliku għall-UE u għall-baġits tal-Istati Membri u fl-istess ħin huwa sors ewlieni tal-kriminalità organizzata, inkluż it-terroriżmu; jenfasizza li l-kummerċ illeċitu tat-tabakk jikkawża ħsara serja kemm għall-kummerċ legali u kemm għall-ekonomiji nazzjonali; jinnota wkoll li proporzjon konsiderevoli ta' tabakk bil-kuntrabandu joriġina fil-Belarussja; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu pressjoni fuq il-Belarussja biex issir ġlieda kontra l-kummerċ illegali tat-tabakk u l-kriminalità organizzata, u jiġu introdotti sanzjonijiet jekk ikun hemm bżonn; jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom f'dan il-qasam;

25.

Jieħu nota pożittiva tal-eżiti ta' suċċess ta' diversi operazzjonijiet doganali konġunti (JCOs) bl-involviment tal-kooperazzjoni tal-OLAF u l-Istati Membri ma' diversi servizzi ta' pajjiżi terzi, li rriżultaw fil-qbid, fost l-oħrajn, ta' 16-il miljun sigarett u 2 tunnellati ta' kannabis; jinnota li fl-operazzjoni Baltica, immexxija mill-awtoritajiet doganali Pollakki f'kooperazzjoni mal-OLAF, l-Europol u ħames Stati Membri (il-Finlandja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Iżvezja), inqabdu 13-il miljun sigarett li kienu ġejjin minn pajjiżi terzi bħall-Belarussja u r-Russja;

26.

Jieħu nota tal-241 każ ta' sigaretti ttraffikati rrapportati, li jinvolvu telf ta' TOR smat għal EUR 31 miljun; jesprimi dubji dwar il-viġilanza tas-servizzi doganali ta' ċerti Stati Membri li għadhom ma rrapportaw l-ebda każ wieħed ta' kuntrabandu ta' sigaretti fl-2015;

27.

Jinnota li kontrolli doganali mwettqa fil-ħin tal-iżdoganar tal-merkanzija u spezzjonijiet mis-servizzi ta' kontra l-frodi kienu l-aktar metodi li kellhom suċċess fl-individwazzjoni ta' każijiet frodulenti fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE fl-2015;

28.

Jesprimi tħassib profond dwar il-fatt li tnaqqis fil-persunal tad-dwana jista' jinfluwenza b'mod negattiv l-għadd ta' kontrolli, u għalhekk ikollu impatt negattiv fuq l-individwazzjoni ta' azzjonijiet frodulenti fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE;

29.

Itenni li kontrolli doganali effikaċi jikkostitwixxu element ewlieni fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u li miżuri baġitarji m'għandhomx jimpedixxu lill-awtoritajiet tal-Istati Membri milli jwettqu l-missjonijiet tagħhom;

30.

Jesprimi tħassib fir-rigward tal-kontrolli doganali u l-ġbir tad-dazji doganali relatat, li jikkostitwixxu riżorsa proprja għall-baġit tal-UE; jirrimarka li l-ispezzjonijiet biex jiġi vverifikat li l-importaturi jkunu konformi mar-regoli dwar it-tariffi u l-importazzjoni jitwettqu mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri stess, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ispezzjonijiet fil-fruntieri tal-UE jkunu xierqa u armonizzati, sabiex jiġu ggarantiti s-sigurtà, is-sikurezza u l-interessi ekonomiċi tal-UE, u jitlobha timpenja ruħha biex tiġġieled b'mod partikolari l-kummerċ f'merkanzija illegali u ffalsifikata;

31.

Jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li l-Istati Membri għandhom jilħqu bilanċ tajjeb bejn l-iffaċilitar tal-kummerċ u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE; jirrimarka, f'dan ir-rigward, il-proċeduri fast-lane tal-awtoritajiet doganali għal kumpaniji li huma meqjusa ta' riskju baxx, li fiha nfisha tista' tkun sistema tajba biex jiġi mgħaġġel l-iżdoganar tal-merkanzija iżda wriet li hija vulnerabbli għal prattiki ta' korruzzjoni mill-uffiċjali tad-dwana;

L-infiq

32.

Jirrikonoxxi r-rata baxxa ta' irregolaritajiet irrapportati (kemm frodulenti kif ukoll mhux frodulenti) b'rabta mal-fondi ġestiti direttament mill-Kummissjoni, li hija taħt iż-0,7 %; jitlob lill-Kummissjoni informazzjoni aktar dettaljata dwar l-irkupri minn residenti legali ta' pajjiżi terzi ta' fondi tal-UE ġestiti ħażin taħt il-ġestjoni diretta tal-Kummissjoni;

33.

Jinnota li l-għadd ta' irregolaritajiet relatati mal-infiq irrapportati bħala frodulenti naqas b'10 % fl-2015;

34.

Jinnota li l-irregolaritajiet frodulenti u mhux frodulenti individwati fuq in-naħa tal-infiq jirrappreżentaw 1,98 % tal-pagamenti mill-baġit tal-UE fl-2015;

35.

Jinnota li l-għadd ta' irregolaritajiet frodulenti rrapportati fl-2015 għar-riżorsi nazzjonali fuq in-naħa tal-infiq tal-baġit kien ta' 14 % inqas milli kien fl-2014, u li l-ammont involut kien 8 % ogħla; jesprimi tħassib dwar il-fatt li f'dan is-settur l-għadd ta' irregolaritajiet mhux frodulenti fl-2015 żdied bi 28 %, u l-ammont affettwat b'44 %;

36.

Jesprimi tħassib profond dwar il-fatt li l-għadd ta' irregolaritajiet frodulenti u mhux frodulenti rrapportati u relatati mal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) ilu jiżdied kull sena għal mill-inqas ħames snin konsekuttivi, u l-għadd ta' każijiet irrapportati żdied minn 1 970 fl-2011 għal 4 612 fl-2015; jinnota, madankollu, li l-irregolaritajiet li jikkonċernaw il-FAEG baqgħu stabbli maż-żmien (+6 % meta mqabbel mal-2014 u 10 % mal-2011), u li dawk relatati mal-FAEŻR komplew jiżdiedu b'mod kostanti; josserva li l-ammont finanzjarju involut naqas minn EUR 211-il miljun fl-2011 għal EUR 119-il miljun fl-2012, iżda żdied b'mod kostanti għal EUR 394 miljun fl-2015, filwaqt li l-livell ta' irregolaritajiet mhux frodulenti rrapportati li għandhom x'jaqsmu mal-FAEŻR resaq qrib it-2 % tal-fond sħiħ; iħeġġeġ lill-Istati Membri bl-ogħla għadd ta' irregolaritajiet irrapportati – ir-Rumanija, l-Italja, Spanja, il-Polonja, l-Ungerija, il-Portugall u l-Litwanja – jirregolaw is-sitwazzjoni b'mod urġenti u effiċjenti biex ireġġgħu lura din it-tendenza;

37.

Jiddispjaċih li aktar minn żewġ terzi tal-livell stmat ta' żbalji fl-infiq tal-FEŻR għall-2015 kienu kkawżati min-nuqqas ta' dokumenti ta' sostenn li jiġġustifikaw in-nefqa u n-nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku; jirrimarka li, biex il-monitoraġġ ikun effikaċi, hemm bżonn trasparenza sħiħa, inkluż fir-rigward tas-sottokuntratturi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet immedjatament; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tevalwa t-traspożizzjoni tad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE dwar l-akkwist pubbliku fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-aktar fis possibbli;

38.

Jesprimi tħassib dwar id-differenza fl-għadd ta' irregolaritajiet irrapportati mid-diversi Stati Membri; jirrimarka li għadd kbir ta' irregolaritajiet irrapportati jista' jkun ukoll minħabba li s-sistema tal-ispezzjonijiet nazzjonali jkollha kapaċità akbar biex tinterċetta u tindividwa l-irregolaritajiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tagħmel kull sforz biex tappoġġja lill-Istati Membri jżidu l-livell u l-kwalità tal-ispezzjonijiet, inkluż permezz tas-Servizz ta' Koordinazzjoni Kontra l-Frodi (AFCOS), u t-tlestija tat-twaqqif ta' strateġija nazzjonali kontra l-frodi (NAF) fl-Istati Membri kollha;

39.

Jilqa' l-fatt li sa tmiem l-2015 sitt Stati Membri kienu adottaw strateġija nazzjonali kontra l-frodi, u jistieden lill-Istati Membri li fadal ilestu l-proċessi ta' adozzjoni attwali tagħhom malajr u jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom kontra l-frodi;

40.

Jesprimi tħassib profond dwar il-fatt li, fl-2015, l-irregolaritajiet frodulenti u mhux frodulenti marbuta mal-Politika Komuni tas-Sajd irduppjaw mill-2014, u dan l-għadd huwa l-ogħla li qatt ġie rrapportat – 202 każijiet (19 frodulenti u 183 mhux frodulenti) – bl-involviment tas-somma ta' EUR 22,7 miljun (EUR 3,2 miljun għal każijiet frodulenti);

41.

Jenfasizza li s-simplifikazzjoni tar-regoli amministrattivi għandha tnaqqas l-ammont ta' irregolaritajiet mhux frodolenti, tgħin biex jiġu identifikati każijiet frodulenti u tagħmel il-fondi tal-UE aktar aċċessibbli għall-benefiċjarji;

42.

Jiddeplora l-fatt li l-politika ta' koeżjoni rrapportat żieda qawwija fl-għadd ta' irregolaritajiet mhux frodulenti, li bejn is-sena 2014 u l-2015 żdiedu b'104 % għall-perjodi ta' programmazzjoni qabel l-2007-2013 u b'108 % għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013; jinnota, madankollu, li l-ammonti finanzjarji involuti għal irregolaritajiet mhux frodulenti żdiedu b'mhux aktar minn 9 % fl-2015 meta mqabbla mal-2014; jiddeplora l-fatt, barra minn hekk, li l-għadd ta' irregolaritajiet frodulenti fl-2015 żdied b'21 %, u l-ammont involut b'74 %;

43.

Iqis li l-valutazzjoni komparattiva tad-data li tinsab fir-rapport annwali ma' data komparabbli dwar l-iskemi ta' nfiq nazzjonali, inklużi skemi dwar l-irregolaritajiet u l-frodi, tista' tgħin fit-tfassil ta' konklużjonijiet immirati dwar l-infiq tal-politika ta' koeżjoni, inkluż dwar il-ħtiġijiet tal-bini ta' kapaċità;

44.

Jirreferi, f'dan ir-rigward, għar-Rapport Speċjali Nru 10/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li fih irrakkomandat, fost l-oħrajn, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jinvestu f'analiżi sistematika ta' żbalji fl-akkwist pubbliku, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta din l-analiżi dettaljata lill-Parlament Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, tesprimi l-fehmiet tagħha dwar żbalji rikorrenti u tispjega għaliex dawn l-iżbalji ma jkunux ikkunsidrati bħala indikazzjonijiet ta' attivitajiet potenzjalment frodulenti; jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza malajr Gwida dwar l-akkwist pubbliku skont id-Direttiva li għadha kif ġiet adottata dwar l-akkwist pubbliku;

45.

Jinnota li trasparenza sħiħa fil-kontabilità għall-infiq hija fundamentali, speċjalment fir-rigward ta' xogħlijiet ta' infrastruttura ffinanzjati direttament permezz tal-fondi jew l-istrumenti finanzjarji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom aċċess sħiħ għal informazzjoni dwar proġetti ta' kofinanzjament;

46.

Jitlob spjegazzjonijiet dettaljati mill-Kummissjoni dwar ir-raġunijiet għal-livell għoli ta' każijiet frodulenti fir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (R&TD), l-innovazzjoni u l-intraprenditorija li żdiedu minn 6 għal 91 każ irrapportati kull sena fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 u li jirrappreżentaw somma ta' EUR 263 miljun, li tikkostitwixxi aktar minn 20 % tal-każijiet ta' frodi rrapportati fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni;

47.

Jilqa' t-tnaqqis kumplessiv fl-irregolaritajiet irrapportati fl-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni; jinnota madankollu li n-numru ta' irregolaritajiet fl-Istrument għal Qabel l-Adeżjoni (IPA I) qed jikber b'mod kostanti, u li t-Turkija hija l-kontributur ta' 46 % tal-każijiet li jirrappreżentaw 83 % tas-somom ta' irregolaritajiet irrapportati; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-applikazzjoni tal-prinċipju “aktar għal aktar” fis-sens negattiv tiegħu (“anqas għal anqas”), minħabba s-sitwazzjoni politika attwali fit-Turkija li toħloq theddida diretta għall-kapaċitajiet ta' assorbiment tal-pajjiż;

Il-problemi identifikati u l-miżuri meħtieġa

Rapportar aħjar

48.

Jiddispjaċih li, minkejja d-diversi talbiet tal-Parlament biex jinħolqu prinċipji uniformi għar-rapportar fl-Istati Membri kollha, is-sitwazzjoni għadha mhijiex waħda sodisfaċenti u għad hemm differenzi sinifikanti fl-għadd ta' irregolaritajiet frodulenti u mhux frodulenti rrapportati minn kull Stat Membru; iqis li din il-problema toħloq stampa konfuża tas-sitwazzjoni reali rigward il-livell ta' ksur u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tagħmel sforzi serji sabiex tarmonizza l-approċċi differenti tal-Istati Membri fil-prevenzjoni, l-individwazzjoni u r-rapportar ta' irregolaritajiet, u l-interpretazzjonijiet mhux omoġenji fl-applikazzjoni tal-qafas legali tal-UE; jappella għall-ħolqien ta' sistema ta' rapportar uniformi;

49.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa sistema li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħmlu skambju ta' informazzjoni, li jippermetti l-kontroverifika tar-rekords kontabilistiċi għal tranżazzjonijiet bejn żewġ Stati Membri jew aktar sabiex tiġi evitata l-frodi transfruntiera fir-rigward tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, biex b'hekk jiġi żgurat approċċ trasversali u totali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Istati Membri;

50.

Jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjonijiet tal-proġett ta' kooperazzjoni ffinanzjat permezz tal-programm Erkole III fis-settur ta' kontra l-frodi, li fih il-Kummissjoni hija mħeġġa tippreżenta proposta leġiżlattiva speċifika dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka rigward il-Fondi Strutturali u ta' Investiment, billi strument ta' kooperazzjoni ġudizzjarja ta' dan it-tip huwa meħtieġ sabiex jiġu evitati r-riskji ta' miżapproprjazzjoni kriminali, bl-evalwazzjoni intermedja li għaddejja bħalissa dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) bħala punt tat-tluq;

51.

Jirrimarka li f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, bħal pereżempju l-użu ta' fondi għar-rifuġjati, sikwit ikun hemm eżenzjonijiet minn proċeduri normali ta' akkwist, li jinvolvu aċċess dirett għall-fondi; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja b'mod aktar effikaċi l-użu ta' dawn l-eżenzjonijiet u l-prattika mifruxa ta' qsim ta' kuntratti ta' akkwist sabiex ma jinqabżux il-limiti minimi u b'hekk jiġu evitati proċeduri tal-akkwist regolari;

52.

Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-approċċ tagħha li tirrakkomanda t-tisħiħ tal-ħidma tal-Istati Membri li għadhom jirrapportaw għadd baxx ħafna ta' irregolaritajiet frodulenti, b'rabta mal-individwazzjoni u/jew ir-rapportar tal-frodi;

53.

Jieħu nota pożittiva taż-żieda fl-ammont ta' data ppubblikata mill-Kummissjoni dwar irregolaritajiet frodulenti u mhux frodulenti u dwar il-kwalità tal-evalwazzjoni statistika tal-irregolaritajiet irrapportati;

54.

Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw bis-sħiħ id-Direttiva tal-UE dwar il-ħasil tal-flus, bl-introduzzjoni ta' reġistru pubbliku tas-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji u anke tat-trusts;

55.

Jirrimarka li ħafna Stati Membri m'għandhomx liġijiet speċifiċi kontra l-kriminalità organizzata, għalkemm l-involviment tagħha f'attivitajiet transfruntiera u f'setturi li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-UE, bħalma huma l-kuntrabandu u l-falsifikazzjoni tal-flus, qed jikber b'mod kostanti; iqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri jadottaw il-miżuri stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (9);

56.

Jenfasizza li l-prevenzjoni għandha tinvolvi taħriġ u appoġġ kostanti għall-persunal responsabbli mill-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi fl-awtoritajiet kompetenti kif ukoll skambji ta' informazzjoni u prattiki tajba fost l-Istati Membri; jirrimarka r-rwol deċiżiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet ikkonċernati fil-ġlieda kontra l-frodi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri josservaw id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kundizzjonalitajiet ex ante fil-politika ta' koeżjoni, partikolarment fil-qasam tal-akkwist pubbliku; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom fl-oqsma enfasizzati fir-rapport annwali tal-Kummissjoni, b'mod partikolari rigward l-akkwist pubbliku, il-kriminalità finanzjarja, il-kunflitti ta' interess, il-korruzzjoni, l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u d-definizzjoni ta' frodi;

57.

Jirrakkomanda t-teħid ta' passi biex tittejjeb l-adozzjoni ta' miżuri ta' simplifikazzjoni għall-2014-2020 fil-kuntest tal-qafas regolatorju għal wara l-2020 għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej bħala għodda biex jitnaqqas ir-riskju ta' irregolaritajiet li jirriżultaw minnn żbalji; jenfasizza l-importanza li jiġi applikat il-prinċipju ta' awditu uniku; jemmen li s-simplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tgħin fit-tnaqqis ta' irregolaritajiet mhux frodulenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom jikkondividu l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward, filwaqt li dejjem titqies il-ħtieġa ta' bilanċ xieraq bejn l-għodod ta' viġilanza u proċeduri simplifikati;

Kontrolli aħjar

58.

Jilqa' l-fatt li l-“kontrolli Komunitarji”ex anteex post qegħdin jindividwaw aktar u aktar każijiet ta' irregolaritajiet; iqis, madankollu, li l-prevenzjoni hija aktar faċli mill-irkupru tat-telf u li għandha dejjem tiġi prevista valutazzjoni indipendenti ex ante tal-proġetti li jkunu se jiġu ffinanzjati; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għaldaqstant, iwettqu aħjar il-kontrolli ex ante bl-assistenza tal-Kummissjoni u jużaw l-informazzjoni kollha disponibbli biex jiġu evitati żbalji u pagamenti irregolari relatati mal-fondi tal-UE; ifakkar, f'dan ir-rigward, li r-restrizzjonijiet baġitarji ma jistgħux jiġu invokati bħala raġunijiet għat-tnaqqis tal-persunal iddedikat għal dawn il-kontrolli ex ante, peress li l-prevenzjoni tal-irregolaritajiet tħallas għaliha nfisha;

59.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ ir-rwol superviżorju tagħha permezz ta' attivitajiet ta' awditjar, kontroll u spezzjoni, pjanijiet ta' azzjoni ta' rimedju u ittri ta' twissija bikrija bil-ħsieb li jitnaqqsu l-irregolaritajiet;

60.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonserva l-politika stretta tagħha dwar l-interruzzjoni u s-sospensjoni ta' pagamenti bħala miżura ta' prevenzjoni kontra l-irregolaritajiet li jaffettwaw il-baġit tal-UE, skont il-bażi ġuridika rilevanti;

61.

Jappoġġja l-programm Erkole III, li huwa eżempju tajjeb tal-approċċ “l-aħjar użu minn kull euro”; jenfasizza l-importanza ta' dan il-programm u l-kontribuzzjoni tiegħu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet doganali biex tiġi sorveljata l-kriminalità transfruntiera u jiġi evitat li merkanzija ffalsifikata u b'kuntrabandu tasal fl-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tagħti evalwazzjoni interim tar-riżultati miskuba fil-qafas ta' Erkole III f'termini tal-objettivi tiegħu u tagħmel monitoraġġ tal-użu u l-effikaċja tal-għotjiet maħruġa;

62.

Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li l-użu tal-għodda ta' evalwazzjoni tar-riskji Arachne jkun obbligatorju għall-Istati Membri kollha sabiex jiżdiedu l-miżuri kontra l-frodi;

63.

Jistenna bil-ħerqa l-valutazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni fl-2018 bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk l-istruttura regolatorja l-ġdida għall-politika ta' koeżjoni tevitax u tnaqqasx ulterjorment ir-riskju ta' irregolaritajiet inkluża l-frodi, u huwa ħerqan ukoll li jirċievi informazzjoni dettaljata dwar l-impatt tar-regoli l-ġodda dwar is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, kemm fir-rigward tar-riskju ta' irregolaritajiet u frodi kif ukoll fir-rigward tal-implimentazzjoni ġenerali tal-politika;

64.

Huwa tal-fehma li s-sistema ta' kontroll finanzjarju tal-Fondi ta' Koeżjoni jeħtieġ tiġi evalwata qabel l-adozzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid (QFP) sabiex jiġu korretti n-nuqqasijiet tas-sistema;

65.

Jenfasizza li fil-valutazzjoni ta' nofs it-terminu tal-politika ta' koeżjoni, li se ssir fl-2018, il-Kummissjoni għandha tqis il-ħtieġa li jiġi evitat u mnaqqas ir-riskju ta' irregolaritajiet, inklużi dawk frodulenti; jiddispjaċih li l-proċeduri kumplessi qed jagħmlu l-finanzjament permezz tal-fondi tal-UE inqas attraenti; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza l-benefiċċji li jiġu introdotti inċentivi sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-infiq; jistieden lill-Kummissjoni toħloq mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, sabiex ikun jista' jsir paragun tar-rekords kontabilistiċi tat-tranżazzjonijiet fost l-Istati Membri bil-ħsieb li dan jgħin fl-individwazzjoni ta' kwalunkwe frodi transnazzjonali fil-kuntest tal-QFP 2014-2020;

66.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-livell ta' kooperazzjoni fost id-diversi strutturi ta' kontroll fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw inizjattivi li jsaħħu l-kapaċità ta' koordinazzjoni bejn l-istrutturi ta' kontroll, speċjalment dawk li jaġixxu fl-ewwel linja ta' kontroll f'kuntatt dirett mal-benefiċjarji; jirrimarka li l-frodi u l-korruzzjoni qed isiru dejjem aktar ta' natura transnazzjonali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rakkomandabbiltà tat-twaqqif ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew indipendenti li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jittieħdu passi biex jiġi żgurat li tkun iċċarata r-relazzjoni bejn l-uffiċċju u l-korpi eżistenti tal-UE u ssir distinzjoni ċara bejn il-kompetenzi rispettivi tagħhom sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet bla bżonn;

Il-protezzjoni tal-munita tal-UE

67.

Jilqa' l-fatt li d-Direttiva 2014/62/UE daħlet fis-seħħ fl-2014 u li din tordna li atti mwettqa intenzjonalment, pereżempju l-falsifikazzjoni jew l-alterazzjoni ta' flus, u t-tqegħid ta' flus bħal dawn fiċ-ċirkolazzjoni, kif ukoll il-kompliċità, l-għajnuna u t-tentattivi biex dan isir, jitqiesu bħala reat; jiddeplora l-fatt li l-Belġju, Franza u l-Irlanda baqgħu ma ttrasponewx din id-Direttiva fit-terminu previst, jiġifieri sat-23 ta' Mejju 2016;

68.

Jinnota li, skont il-Bank Ċentrali Ewropew, mill-introduzzjoni tal-euro fl-2002, il-flus foloz kienu kkawżaw telf finanzjarju fl-ammont ta' mill-inqas EUR 500 miljun fl-ekonomija tal-UE sal-2016;

L-informaturi

69.

Jenfasizza r-rwol tal-informaturi fil-prevenzjoni, l-individwazzjoni u r-rapportar tal-frodi u l-ħtieġa li jkunu protetti; jilqa' l-fatt li fl-2015 il-Kummissjoni nediet il-“Programm ta' Skambju ta' Esperjenzi” sabiex tikkoordina u tiskambja l-aħjar prattiki bil-ħsieb li timpedixxi l-korruzzjoni f'kooperazzjoni mal-Istati Membri;

70.

Jenfasizza li l-korruzzjoni u l-frodi għandhom impatt negattiv fundamentali fuq l-interessi finanzjarji tal-UE u, avolja l-UE għandha mekkaniżmu ta' kontroll fuq diversi livelli, ir-rwol ta' individwu huwa assolutament insostitwibbli fl-aktar livell baxx tas-sistema ta' kontroll; jenfasizza li, għal din ir-raġuni, l-informaturi jeħtieġ ikollhom pożizzjoni ċara fl-oqfsa leġiżlattivi tal-UE u tal-Istati Membri li tiddefinixxi b'mod ċar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw livell minimu ta' protezzjoni għall-informaturi Ewropej;

71.

Jilqa' l-fatt li l-Parlament, il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Awdituri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Ombudsman Ewropew, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-biċċa l-kbira tal-aġenziji tal-UE implimentaw regoli interni li jipproteġu l-informaturi, f'konformità mal-Artikoli 22a, 22b u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, u jistenna aktar titjib f'termini ta' regoli għall-protezzjoni tal-informaturi;

72.

Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE (10), u jappella għal implimentazzjoni f'waqtha min-naħa tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula fiha u jitlobhom jinfurmaw lill-Parlament dwar is-segwitu ta' din ir-riżoluzzjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq b'urġenza proposta leġiżlattiva dwar il-protezzjoni tal-informaturi sabiex tiġi evitata u miġġielda b'mod effikaċi l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea;

Il-korruzzjoni

73.

Jinnota li fl-2015 il-ġlieda kontra l-korruzzjoni baqgħet prijorità fil-qafas tas-Semestru Ewropew u l-proċessi relatati ta' governanza ekonomika; jilqa' l-miżuri meħuda f'din il-ġlieda bħall-organizzazzjoni ta' laqgħat mal-punti ta' kuntatt nazzjonali tal-Istati Membri, it-tnedija tal-Programm ta' Skambju ta' Esperjenzi għall-Istati Membri, u l-parteċipazzjoni tal-OLAF f'isem il-Kummissjoni f'fora Ewropej u internazzjonali kontra l-korruzzjoni;

74.

Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni m'għadhiex tħoss il-ħtieġa li tippubblika r-rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni, ħaġa li xekklet il-valutazzjoni tal-iskala tal-korruzzjoni fl-2015; jiddispjaċih, b'mod partikolari, li din id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr ebda diskussjoni mal-Parlament; huwa tal-fehma li, huma x'inhuma l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, din il-kanċellazzjoni tal-aħħar minuta tibgħat messaġġ ħażin mhux biss lill-Istati Membri iżda anke liċ-ċittadini; jinnota li minn meta aderixxiet mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) fit-12 ta' Novembru 2008, l-Unjoni Ewropea qatt ma ħadet sehem fil-mekkaniżmu ta' rieżami previst skont il-Konvenzjoni, u lanqas ma ħadet l-ewwel pass biex tikkompila l-awtovalutazzjoni ta' kif qed timplimenta l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni; jistieden lill-Unjoni Ewropea tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-UNCAC billi tikkompila awtovalutazzjoni ta' kif qed timplimenta l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni u tieħu sehem fil-mekkaniżmu ta' rieżami bejn il-pari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-fehmiet tagħha dwar ir-Rapport tal-UE kontra l-Korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi ulterjuri, kemm fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE u kemm fil-livell tal-Istati Membri, dwar l-ambjent li fih jiġu implimentati l-politiki, sabiex jiġu identifikati l-fatturi kritiċi intrinsiċi, l-oqsma vulnerabbli u l-fatturi ta' riskju li jistgħu jwasslu għall-korruzzjoni;

75.

Jitlob li l-UE tressaq l-applikazzjoni tagħha biex tissieħeb fil-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa kemm jista' jkun malajr u li l-Parlament jinżamm aġġornat bil-progress ta' din l-applikazzjoni;

76.

Itenni l-fehma tiegħu li l-korruzzjoni hija sfida enormi għall-UE u l-Istati Membri, u li, mingħajr miżuri effikaċi kontriha, il-korruzzjoni ddgħajjef il-prestazzjoni ekonomika tal-UE, l-istat tad-dritt u l-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Unjoni;

77.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika t-tieni rapport kontra l-korruzzjoni u tippreżenta dawn ir-rapporti b'mod regolari sabiex il-pubbliku jkun infurmat dwar il-kisbiet fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fost l-oħrajn fil-kuntest tal-Programm ta' Skambju ta' Esperjenzi kontra l-korruzzjoni;

78.

Jinsab allarmat bir-riżultati ta' riċerka li juru li r-riskju ta' frodi u korruzzjoni huwa ogħla meta l-Istati Membri jkunu qed jonfqu riżorsi Ewropej, partikolarment meta s-sehem tal-finanzjament Ewropew ikun ferm 'il fuq minn 50 % tal-ispejjeż totali; huwa tal-fehma, għalhekk, li f'dawn il-każijiet l-Istati Membri mhumiex konformi għalkollox mal-Artikolu 325(2) tat-TFUE, li jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħalma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri japplikaw bis-sħiħ il-prinċipju tal-Artikolu 325(2) u lill-Kummissjoni tiżgura li l-Membri tabilħaqq jagħmlu dan;

79.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa sistema ta' indikaturi stretti u kriterji uniformi u faċilment applikabbli, abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti fil-Programm ta' Stokkolma, biex tkejjel il-livell tal-korruzzjoni fl-Istati Membri u tevalwa l-politiki tagħhom kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indiċi ta' korruzzjoni b'mod li tikklassifika lill-Istati Membri; huwa tal-fehma li indiċi ta' korruzzjoni jista' jipprovdi bażi tajba li fuqha l-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi l-mekkaniżmu ta' kontroll speċifiku għall-pajjiżi individwali meta tkun qed tikkontrolla l-infiq tar-riżorsi tal-UE;

Il-ġurnaliżmu investigattiv

80.

Hu tal-fehma li l-ġurnaliżmu investigattiv jiżvolġi rwol ewlieni fit-trawwim tal-livell meħtieġ ta' trasparenza fl-UE u l-Istati Membri; hu tal-fehma li l-ġurnaliżmu investigattiv għandu jiġi mħeġġeġ u appoġġjat b'mezzi legali kemm fl-Istati Membri kif ukoll fl-UE, u jappoġġja l-azzjoni preparatorja li tistabbilixxi skema ta' għotjiet għall-ġurnaliżmu investigattiv transfruntier, li għandu jitqassam permezz ta' organizzazzjoni intermedjarja, jiġifieri ċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Midja f'Leipzig;

Id-Direttiva PIF u r-Regolament UPPE

81.

Jilqa' l-konklużjoni b'suċċess tan-negozjati dwar il-proposta għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva PIF), bil-frodi tal-VAT inkluża fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha; jinnota li d-Direttiva tiddefinixxi t-tipi ta' mġiba qarrieqa li għandhom jitqiesu bħala reat u tipprevedi definizzjoni ta' korruzzjoni;

82.

Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u l-Eurojust (11) li fiha afferma mill-ġdid l-appoġġ tal-Parlament li ilu żmien twil jiffavorixxi t-twaqqif ta' UPPE indipendenti u effiċjenti, sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni attwali tal-isforzi nazzjonali tal-infurzar tal-liġi biex jitħares il-baġit tal-UE; jemmen li UPPE effiċjenti jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fl-UE bil-kundizzjoni li dan jingħata d-dispożizzjonijiet legali meħtieġa u jkun jista' jaħdem b'mod effiċjenti ma' korpi eżistenti oħra tal-UE u mal-awtoritajiet tal-Istati Membri; jinnota li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva PIF jiddetermina direttament il-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat tal-UPPE; jinnota bi tħassib l-opinjonijiet diverġenti fil-Kunsill dwar l-UPPE kif previst fl-Artikolu 86 tat-TFUE; iqis li d-dispożizzjonijiet tiegħu mhux qed jiġu implimentati permezz ta' kooperazzjoni msaħħa; huwa tal-fehma li l-UPPE jista' jkun effikaċi biss jekk l-ambitu tiegħu jkopri l-Istati Membri kollha; jistieden lill-Istati Membri jirrevedu l-pożizzjoni tagħhom u jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jintlaħaq kunsens fil-Kunsill;

It-tabakk

83.

Jirrimarka d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma ġġeddidx il-Ftehim PMI, li skada fid-9 ta' Lulju 2016; ifakkar li fid-9 ta' Marzu 2016 kien talab lill-Kummissjoni biex ma ġġeddidx, testendi jew tinnegozja mill-ġdid il-Ftehim PMI lil hinn mid-data tal-iskadenza tiegħu; jemmen li t-tliet ftehimiet l-oħra (BAT, JTI u ITL) m'għandhomx jiġġeddu;

84.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-livell tal-UE, timplimenta l-miżuri kollha meħtieġa biex tittraċċa u tirrintraċċċa l-prodotti tat-tabakk PMI, u tistitwixxi proċedimenti ġuridiċi kontra kwalunkwe qbid illegali ta' prodotti ta' dan il-manifattur sakemm id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk isiru infurzabbli bis-sħiħ, b'tali mod li ma jkun hemm l-ebda lakuna regolatorja bejn l-iskadenza tal-Ftehim PMI u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk (TPD) u l-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC);

85.

Jinnota li wara t-talba li għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2016 rigward il-ftehim dwar it-tabakk (il-Ftehim PMI) (12), il-Kummissjoni jeħtieġ tressaq pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk, inkluż il-proporzjon għoli ta' sigaretti bla marka (“cheap whites”); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta lill-Parlament għal pjan ta' azzjoni bħal dan mingħajr aktar dewmien;

86.

Jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni għar-ratifika f'waqtha tal-Protokoll tad-WTO biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk bħala l-ewwel strument legali multilaterali biex tiġi indirizzata l-problema tal-kuntrabandu tas-sigaretti b'mod komprensiv u fuq bażi dinjija, u jappella għar-ratifika u l-implimentazzjoni tiegħu fil-ħin;

87.

Ifakkar li s'issa 25 parti rratifikaw l-FCTC, inklużi seba' Stati Membri tal-UE biss u l-UE bħala entità sħiħa; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jirratifikaw il-Protokoll biex Jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk;

L-investigazzjonijiet u r-rwol tal-OLAF

88.

Jiddispjaċih li, minkejja l-assigurazzjonijiet tal-OLAF li qiegħed jagħmel ħiltu biex iqassar it-tul tal-investigazzjonijiet tiegħu, it-tul tal-fażi investigattiva tiegħu ilu jiżdied b'mod kontinwu mill-2012 minn 22,5 għal 25,1 xahar f'każijiet li ngħalqu u minn 17,3 għal 18,7 xahar fil-każijiet kollha;

89.

Jinnota r-rwol tal-OLAF f'operazzjonijiet doganali konġunti (JCOs) differenti fil-prevenzjoni ta' telf għall-baġit tal-UE, u jitlob lill-OLAF jinkludi aktar informazzjoni u ċifri konkreti dwar il-kontribut tiegħu biex jiġi protett il-lat tad-dħul tal-baġit tal-UE fir-rapporti annwali futuri tiegħu;

90.

Jesprimi tħassib dwar iż-żieda msemmija fl-aktar rapport annwali reċenti tal-OLAF fl-għadd ta' każijiet ta' frodi transfruntiera; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-użu ta' operazzjonijiet konġunti f'konformità mal-metodi u l-proċeduri li diġà ġew implimentati b'suċċess f'dak li għandu x'jaqsam mad-dwana, u anke f'dak li jirrigwarda l-infiq, abbażi tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013;

91.

Jappoġġja l-parteċipazzjoni tal-OLAF f'laqgħat nazzjonali u internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-frodi, bħalma hu n-netwerk Ewropew ta' punti ta' kuntatt kontra l-korruzzjoni, li f'Novembru 2015 adotta d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

92.

Jirrimarka li saru ħafna passi pożittivi 'l quddiem fil-ġlieda kontra l-frodi; jilqa', f'dan il-kuntest, it-twaqqif reċenti ta' unità investigattiva ġdida dwar il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fi ħdan l-OLAF;

93.

Jistieden lill-OLAF iqabbel – fir-rapporti annwali tal-attività tiegħu – ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF f'dak li għandu x'jaqsam ma' rkupri finanzjarji mal-ammonti li ġew fil-fatt irkuprati;

94.

Ifakkar li, fid-dawl tal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali reċiproka bejn l-istituzzjonijiet, il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u l-obbligu ta' ċertezza legali, l-OLAF u l-Kumitat Superviżorju tiegħu għandhom jorganizzaw il-kollaborazzjoni tagħhom abbażi tal-protokolli ta' ħidma tagħhom, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet legali applikabbli;

95.

Jilqa' l-analiżi li għamlet l-OLAF dwar is-segwitu, min-naħa tal-Istati Membri, tar-rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji tal-OLAF maħruġa bejn l-1 ta' Jannar 2008 u l-31 ta' Diċembru 2015 bħala ħarsa ġenerali lejn ir-raġunijiet ewlenin dwar in-nuqqas ta' segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jinnota, madankollu, li d-data miġbura fid-dokument tikkonċerna biss ir-rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji bla ma tqis ir-rakkomandazzjonijiet amministrattivi, dixxiplinarji u finanzjarji u għalhekk mhijiex rappreżentattiva tas-segwitu ġenerali tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF; jitlob lill-Kummissjoni tagħti reazzjoni komprensiva għall-analiżi ppubblikata dan l-aħħar mill-OLAF dwar is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji tal-OLAF min-naħa tal-Istati Membri, u jitlob lill-OLAF iżid kapitolu dwar is-segwitu ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport annwali tiegħu; jistieden lill-OLAF, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jipprovdi analiżi dettaljata, inklużi ċifri dwar l-irkupru ta' fondi tal-UE;

96.

Jiddeplora l-fatt li kważi terz (94 minn 317) tar-rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji tal-OLAF maħruġa bejn l-2008 u l-2015 lill-awtoritajiet kompetenti tqiesu inammissibbli abbażi ta' provi insuffiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif l-investigazzjonijiet amministrattivi jistgħu jintużaw aħjar f'kawżi ġudizzjarji; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dettaljata rigward ir-raġunijiet għall-inammissibilità, sabiex l-OLAF taġġusta aħjar ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għal-liġijiet nazzjonali;

97.

Huwa tal-fehma li l-proporzjon ta' rakkomandazzjonijiet tal-OLAF sottomessi lill-awtoritajiet nazzjonali li wasslu għall-ħruġ ta' akkużi (madwar 50 %) mhuwiex biżżejjed; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jtejbu l-livell ta' kooperazzjoni tagħhom mal-OLAF; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-OLAF jistabbilixxu kundizzjonijiet li jiżguraw l-ammissibilità tal-provi mressqa mill-OLAF; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lill-OLAF iwettqu investigazzjonijiet konġunti sabiex jintlaħqu l-aħjar riżultati;

98.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' tmiem il-mandat tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, tibda minnufih il-proċedura ta' sejħa għal proposti għal Direttur Ġenerali ġdid u tibda l-proċess ta' konsultazzjoni mal-Parlament;

99.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u tressaq proposta dwar it-tisħiħ tas-setgħat investigattivi tal-OLAF; jirrakkomanda li l-OLAF għandu jiġi assenjat aktar riżorsi biex ikun jista' jinvestiga ħafna aktar każijiet suspettati rrapportati;

100.

Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward id-diskrepanza bejn l-informazzjoni li waslet għand l-OLAF mingħand sorsi pubbliċi u dik mingħand sorsi privati fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja inizjattivi mmirati lejn iż-żieda tal-ġbir ta' informazzjoni pubblika, u jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità tad-data pprovduta;

101.

Jinnota li, s'issa, ir-rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji tal-OLAF kellhom implimentazzjoni limitata fl-Istati Membri; huwa tal-fehma li tali sitwazzjoni hija intollerabbli u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF fl-Istati Membri;

102.

Jiddeplora l-fatt li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' xi Stati Membri jqisu li r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF b'rabta mal-infiq ħażin tal-flus tal-UE għandhom prijorità baxxa; ifakkar li, skont l-Artikolu 325(2) tat-TFUE, l-Istati Membri “għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal ma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess”;

103.

Iqis l-indirizzar tal-kwistjoni tan-nuqqas ta' komunikazzjoni bejn l-Istati Membri u l-OLAF bħala prijorità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu inizjattivi biex itejbu l-komunikazzjoni mhux biss fl-istrutturi pubbliċi, iżda anke fost is-soċjetà ċivili fl-Istati Membri u l-OLAF; jisħaq fuq il-punt li dan huwa importanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri;

o

o o

104.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u lill-Kumitat Superviżorju tal-OLAF.

(1)  ĠU L 84, 20.3.2014, p. 6.

(2)  ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1.

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2016)0403.

(5)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(6)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta' Settembru 2015, Taricco et, C-105/14, ECLI:EU:C:2015:555.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2017)0022.

(8)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.

(9)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u segwitu għar-riżoluzzjoni CRIM (Testi adottati, P8_TA(2016)0403); Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu (ĠU C 208, 10.6.2016, p. 89).

(10)  Testi adottati, P8_TA(2017)0022.

(11)  Testi adottati, P8_TA(2016)0376.

(12)  Testi adottati, P8_TA(2016)0082.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/25


P8_TA(2017)0207

L-effiċjenza fir-riżorsi: tnaqqis tal-ħela tal-ikel, titjib tas-sikurezza alimentari

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-inizjattiva dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: innaqqsu l-ħela tal-ikel, intejbu s-sikurezza tal-ikel (2016/2223(INI))

(2018/C 307/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari” (COM(2015)0614),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa” (COM(2014)0398),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari (1),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub 0061/2015 tal-14 ta' Ottubru 2015 dwar id-donazzjoni ta' ikel mhux mibjugħ u tajjeb għall-konsum lill-istituti tal-karità,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2012 dwar kif nevitaw il-ħela tal-ikel: strateġiji għal katina tal-ikel aktar effiċjenti fl-UE (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar prattiki kummerċjali żleali fil-katina tal-provvista tal-ikel (3),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar it-telf u l-ħela tal-ikel,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar il-ħela tal-ikel (4),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta' Marzu 2013 dwar “Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għal strateġija għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-telf u l-ħela tal-ikel” (5),

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 34/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri “Il-Ġlieda kontra l-Ħela tal-Ikel: opportunità għall-UE sabiex ittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi tal-katina tal-provvista tal-ikel”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent tas-27 ta' Mejju 2016 dwar il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-użu mill-ġdid tal-iskart tal-ikel,

wara li kkunsidra l-Istudju Komparattiv tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta' Ġunju 2014 dwar il-leġiżlazzjoni u l-prattiki tal-Istati Membri tal-UE fir-rigward tad-donazzjoni tal-ikel,

wara li kkunsidra l-istudju FUSIONS (L-Użu tal-Ikel għall-Innovazzjoni Soċjali permezz ta' Strateġiji ta' Ottimizzazzjoni tal-Prevenzjoni tal-Iskart) fuq l-estimi tal-livelli Ewropej tal-ħela tal-ikel (2016),

wara li kkunsidra r-reviżjoni ta' FUSIONS tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE b'implikazzjonijiet fuq l-iskart tal-ikel (2015),

wara li kkunsidra l-Qafas tad-Definizzjonijiet ta' FUSIONS għall-Iskart tal-Ikel (2014),

wara li kkunsidra l-Istandard tar-Rapportar u l-Kontabbiltà tat-Telf u l-Ħela tal-Ikel fuq livell globali (standard FLW) imniedi f'Ġunju 2016,

wara li kkunsidra l-istudju tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) intitolat “Food wastage footprint – Impacts on natural resources” (L-impronta tal-ħela tal-ikel – Impatti fuq ir-riżorsi naturali) (FAO 2013),

wara li kkunsidra l-istudju tal-FAO dwar global food losses and food waste (it-telf u l-ħela tal-ikel fuq livell globali) (FAO 2011),

wara li kkunsidra l-petizzjoni “Stop Food Waste in Europe!” (Inwaqqfu l-Ħela tal-Ikel fl-Ewropa!),

wara li kkunsidra l-Karta ta' Milan adottata matul l-Expo Milano 2015,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0175/2017),

A.

billi l-FAO tistma li, kull sena, madwar 1,3 biljun tunnellata ta' ikel, li jammonta għal madwar terz, skont il-piż, tal-ikel kollu prodott għall-konsum mill-bniedem fid-dinja jispiċċa jintilef jew jinħela;

B.

billi l-ikel huwa komodità prezzjuża; billi, is-“sistema tal-ikel” tutilizza ammont sinifikanti ta' riżorsi bħall-art, il-ħamrija, l-ilma, il-fosforu u l-enerġija, il-ġestjoni effiċjenti u sostenibbli ta' dawn ir-riżorsi hija ta' importanza kbira; billi l-ħela tal-ikel tinvolvi spejjeż ekonomiċi u ambjentali kbar ħafna, li huma stmati mill-FAO (6) li jammontaw għal USD 1,7 triljun fis-sena fuq skala globali; billi l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel jipprovdu benefiċċji ekonomiċi kemm għall-familji kif ukoll għas-soċjetà kollha, filwaqt li jnaqqsu wkoll il-ħsara ambjentali;

C.

billi l-ħela tal-ikel tinvolvi prezz ekonomiku, soċjali u ambjentali għoli, kif ukoll konsegwenzi etiċi; billi l-ikel li jintilef jew jinħela jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima, b'impronta ta' karbonju globali ta' madwar 8 % tal-emissjonijiet antropoġeniċi totali ta' gassijiet serra (GHG) globali, u jirrappreżenta ħela ta' riżorsi skarsi bħall-art, l-enerġija u l-ilma (7) matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti involuti; billi jenħtieġ li s-surplus fil-katina tal-ikel ma jsirx direttament ikel moħli meta dan se jintuża mod ieħor għan-nutriment tal-bniedem, u leġiżlazzjoni xierqa dwar is-surplus tal-ikel tista' tippermetti biex l-iskart tal-ikel isir riżorsa;

D.

billi, skont l-istudji riċenti, għal kull kilogramma ta' ikel prodott, jintefgħu fl-atmosfera 4,5 kg ta' CO2; billi fl-Ewropa, il-madwar 89 Mt ta' ikel moħli jiġġeneraw 170 Mt CO2 ekwivalenti/fis-sena, maqsumin kif ġej: l-industrija tal-ikel 59 Mt CO2 ekwivalenti/fis-sena, konsum domestiku 78 Mt CO2 ekwivalenti/fis-sena, oħrajn 33 Mt CO2 ekwivalenti/fis-sena; billi l-produzzjoni tat-30 % tal-ikel li jispiċċa ma jittikilx hija responsabbli għal 50 % addizzjonali ta' użu tar-riżorsi tal-ilma għall-irrigazzjoni, filwaqt li l-produzzjoni ta' kilogramma ċanga tirrikjedi minn 5 sa 10 tunnellati ilma;

E.

billi skont diversi studji, intwera li t-tibdil tad-dieta estensiv huwa l-aktar metodu effettiv li jnaqqas l-impatt ambjentali tal-konsum tal-ikel; billi l-kisba ta' sistema ta' produzzjoni u konsum tal-ikel sostenibbli fl-Ewropa tirrikjedi politika komprensiva u integrata tal-ikel;

F.

billi skont il-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) 795 miljun persuna fid-dinja m'għandhomx biżżejjed ikel biex jgħixu ħajja b'saħħitha u attiva; billi n-nutrizzjoni ħażina hija responsabbli għal kważi nofs (45 %) l-imwiet – jew madwar 3,1 miljun – ta' tfal taħt l-età ta' ħames snin; billi wieħed minn kull sitt itfal fid-dinja għandhom piż inqas milli suppost u wieħed minn kull erbgħa jikbru bil-mod; billi, għalhekk, it-tnaqqis tal-ħella tal-ikel mhux biss huwa obbligu ekonomiku u ambjentali, iżda wkoll wieħed morali (8);

G.

billi kważi 793 miljun persuna fid-dinja llum mhumiex mitmugħa tajjeb (9), u aktar minn 700 miljun persuna jgħixu taħt il-linja tal-faqar (10) u jiddependu fuq dħul ta' anqas minn USD 1,90 kuljum; billi kwalunkwe użu irresponsabbli tar-riżorsi maħsub għall-produzzjoni tal-ikel u kwalunkwe l-ħela tal-ikel jenħtieġ għalhekk jiġi kkunsidrat bħala moralment inaċċettabbli;

H.

billi anqas ħela tal-ikel tkun tfisser użu aktar effiċjenti tal-art, immaniġġjar aħjar tar-riżorsi tal-ilma, u konsegwenzi pożittivi għas-settur agrikolu sħiħ mad-dinja kollha, u jagħti spinta lill-ġlieda kontra n-nuqqas ta' nutrizzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

I.

billi l-UE ffirmat l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru 2015; billi l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 12.3 huwa mmirat sabiex inaqqas b'50 % l-ħela tal-ikel globali per capita fil-livelli tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsumaturi sal-2030 u sabiex inaqqas it-telf tal-ikel tul il-ktajjen tal-produzzjoni u tal-provvista, inkluż it-telf fil-produzzjoni primarja, fit-trasport u fil-ħżin; billi stimi tan-NU juru li l-popolazzjoni tad-dinja se tikber minn 7,3 biljun persuna fil-preżent għal 9,7 biljun fl-2050 (11); billi t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel huwa pass essenzjali biex jitnaqqas il-ġuħ fid-dinja u neċessità sabiex tiġi mitmugħa l-popolazzjoni tad-dinja li dejjem qed tikber;

J.

billi l-Forum tal-Oġġetti tal-Konsum li jirrappreżenta 400 bejjiegħ, manifattur, fornitur ta' servizz, u partijiet ikkonċernati oħra minn madwar 70 pajjiż adotta riżoluzzjoni pubblika sabiex sal-2025 titnaqqas bin-nofs il-ħela tal-ikel mill-operazzjonijiet tal-membri tiegħu stess, ħames snin qabel l-SDG 12.3;

K.

billi l-prevenzjoni tal-ħela ta' ikel iġġib benefiċċji ambjentali u vantaġġi f'termini soċjali u ekonomiċi; billi l-istimi jindikaw li, fl-UE, jinħlew 88 miljun tunnellata ta' ikel kull sena, li huma ekwivalenti għal 173 kg ta' ikel moħli għal kull persuna, u li l-produzzjoni u r-rimi tal-iskart tal-ikel tal-UE jiġġeneraw 170 tunnellata ta' emissjonijiet ta' CO2 u jikkunsmaw 26 miljun tunnellata ta' riżorsi; billi l-ispejjeż assoċjati ma' dan il-livell ta' ħela tal-ikel huma stmati li jammontaw għal madwar EUR 143 biljun (12); billi skont l-FAO, 800 miljun persuna fid-dinja jsofru l-ġuħ;

L.

billi, skont id-dejta mill-2014, 55 miljun persuna, jew 9,6 % tal-popolazzjoni tal-UE-28, ma kinux f'pożizzjoni li joffru ikel ta' kwalità jumejn infila; billi, skont dejta mill-2015, 118,8 miljun persuna, jew 23,7 % tal-popolazzjoni tal-UE-28, kienu f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali (13);

M.

billi t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel jista' jtejjeb is-sitwazzjoni ekonomika għall-familji mingħajr ma jitbaxxewlhom l-istandards tal-għajxien;

N.

billi l-prattiki kummerċjali inġusti u d-dumping tal-prezzijiet fis-settur tal-ikel ta' spiss iwasslu biex l-ikel jinbiegħ bi prezz li huwa aktar baxx mill-valur reali tiegħu, li mbagħad joħloq aktar skart;

O.

billi l-ikel jintilef jew jinħela fl-istadji kollha tal-katina tal-ikel, inklużi l-produzzjoni, l-ipproċessar, it-trasport, il-ħżin, il-bejgħ bl-imnut, il-kummerċjalizzazzjoni u l-konsum; billi l-estimi mill-proġett FUSIONS jindikaw li s-setturi li jikkontribwixxu l-aktar għall-ħela tal-ikel fl-UE huma l-familji, bi 53 %, u l-ipproċessar, bi 19 %, il-kontributuri l-oħra huma l-bejjiegħ bl-imnut bi 12 %, il-produzzjoni primarja b'10 %, u l-bejjiegħa bl-ingrossa b'5 % (14); billi dawn l-istimi jissuġġerixxu li l-miżuri biex titnaqqas il-ħela tal-ikel fid-djar u fis-setturi tal-ipproċessar ikollhom l-akbar impatt; billi l-ħela tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw isseħħ l-aktar minħabba limitazzjonijiet fl-infrastruttura u dawk teknoloġiċi;

P.

billi d-dejta mill-proġett FUSIONS toriġina minn għadd ta' sorsi u hija bbażata fuq l-użu ta' diversi definizzjonijiet ta' “ħela tal-ikel”;

Q.

billi l-proġett FUSIONS innota li ftit li xejn hemm kejl tal-ħela fl-agrikoltura, l-ortikultura, l-akkwakultura, is-sajd jew attivitajiet oħra ta' produzzjoni primarja; billi dan ma jħallix li ssir valutazzjoni tajba tal-iskala attwali tat-telf u l-ħela tal-ikel fl-Ewropa;

R.

billi miżuri mmirati, imfassla għall-operaturi u l-pass rilevanti fil-katina, huma mod aħjar għall-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel, minħabba li l-problemi ffaċċati mhumiex l-istess fil-każijiet kollha;

S.

billi studju mwettaq fir-Renju Unit mill-Waste and Resources Action Programme (WRAP – il-Programm ta' Azzjoni dwar l-Iskart u r-Riżorsi) fl-2015 indika li mill-inqas 60 % tal-ħela tal-ikel mill-familji huwa evitabbli u li dan seta' jittiekel li kieku ġie ġestit aħjar (15);

T.

billi xi telf u ħela fil-produzzjoni primarja huma r-riżultat tal-istandards tal-bejjiegħ bl-imnut rigward l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, ordnijiet ikkanċellati relatati ma' bidliet fid-domanda min-naħa tal-konsumaturi, u l-produzzjoni eċċessiva b'riżultat ta' rekwiżiti għall-ilħuq mad-domanda staġonali; billi t-taħsir tal-ikel fil-linja tal-produzzjoni huwa raġuni oħra għat-telf tal-ikel matul il-produzzjoni;

U.

billi skont il-FAO, fl-Ewropa 20 % tal-frott u l-ħaxix, 20 % tal-għeruq u tal-għelejjel tat-tuberu, u 10 % taż-żrieragħ taż-żejt u l-legumi huma mitlufa fl-agrikoltura, b'5 % oħra tal-frott u l-ħaxix u tal-għeruq u l-għelejjel tat-tuberu mitlufa wara l-ħsad (16);

V.

billi l-frott u l-ħaxix li ssirilhom il-ħsara minħabba diżastru naturali jew li jinqerdu jew jinħartu fl-azjendi agrikoli mmexxija mill-familji minħabba telf ta' suq jew prezzijiet baxxi jirrappreżentaw telf ta' investiment u ta' dħul għall-bdiewa;

W.

billi l-operaturi fil-katina tal-provvista tal-ikel sikwit jinternalizzaw l-ispiża tal-ħela tal-ikel u jinkluduha fil-prezz għall-konsumatur aħħari tal-prodott (17);

X.

billi r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 34/2016 dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħela tal-Ikel eżamina l-mistoqsija “l-UE tikkontribwixxi għal katina tal-provvista tal-ikel effiċjenti fl-użu tar-riżorsi billi tiġġieled kontra l-ħela tal-ikel b'mod effettiv?”; billi s-sejbiet tar-rapport jindikaw li bħalissa l-UE mhux qed tiġġieled kontra l-ħela tal-ikel b'mod effettiv, u li l-inizjattivi u l-politiki eżistenti jistgħu jintużaw b'mod aktar effettiv biex tiġi indirizzata l-problema tal-ħela tal-ikel; billi r-rapport stqarr li l-ambizzjoni tal-Kummissjoni biex tindirizza l-ħela tal-ikel iddgħajfet minkejja diversi talbiet mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni; billi r-rapport iqis l-azzjoni meħuda s'issa mill-Kummissjoni bħala frammentata, intermittenti u nieqsa minn koordinament ċar; billi r-rapport jirrakkomanda li l-Kummissjoni jenħtieġ li: tiżviluppa pjan ta' azzjoni għas-snin li ġejjin, tikkunsidra l-ħela tal-ikel fil-valutazzjonijiet tal-impatt futuri tagħha, tallinja aħjar il-politiki differenti tal-UE li jistgħu jiġġieldu kontra l-ħela tal-ikel, u tikkjarifika l-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet legali li jistgħu jiskoraġġixxu d-donazzjoni tal-ikel, kif ukoll tqis kif tista' tiġi faċilitata d-donazzjoni f'oqsma oħra tal-politika;

Y.

billi l-Kummissjoni, wara li investiet ammont sostanzjali ta' riżorsi, u wara li wettqet konsultazzjoni pubblika li kellha suċċess kbir fl-2013, finalment iddeċidiet li ma tippubblikax il-komunikazzjoni intitolata “Building a Sustainable European Food System” (Nibnu Sistema tal-Ikel Ewropea Sostenibbli), minkejja l-fatt li l-komunikazzjoni kienet diġà ġiet iffinalizzata u maqbula minn tliet Kummissarji (DĠ Ambjent, DĠ SANCO, u DĠ AGRI); billi din il-Komunikazzjoni fiha għadd ta' aproċċi tajbin biex tiġi indirizzata l-problema tal-ħela tal-ikel;

Z.

billi la teżisti definizzjoni konsistenti komuni ta' “ħela tal-ikel” u lanqas metodoloġija komuni għall-kejl tal-ħela tal-ikel fil-livell tal-Unjoni, li tagħmilha diffiċli li jitqabblu s-settijiet ta' dejta differenti u li jitkejjel il-progress imwettaq biex jitnaqqas il-ħela tal-ikel; billi d-diffikultajiet assoċjati mal-ġbir ta' dejta sħiħa, affidabbli u armonizzata huma ostakolu addizzjonali fl-evalwazzjoni tal-ħela tal-ikel fl-UE; billi għall-fini ta' din ir-riżoluzzjoni, il-“ħela tal-ikel” tfisser ikel maħsub għall-konsum mill-bniedem, fi stat li jista' jittiekel jew li ma jistax jittiekel, imneħħi mill-katina tal-produzzjoni jew tal-provvista sabiex jintrema, fil-livelli tal-produzzjoni primarja, tal-ipproċessar, tal-manifattura, tat-trasport, tal-ħżin, tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsumatur, bl-eċċezzjoni ta' telf tal-produzzjoni primarja; billi jeħtieġ li tiġi stabbilita definizzjoni ta' “telf mill-produzzjoni primarja”;

AA.

billi jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn ikel moħli li jista' jittiekel u partijiet li ma jistgħux jittieklu sabiex jiġu evitati konklużjonijiet qarrieqa u miżuri ineffettivi; billi l-fokus tal-isforzi tat-tnaqqis jenħtieġ li jkun fuq li tiġi evitata l-ħela ta' ikel li jista' jittiekel;

AB.

billi l-Food Loss and Waste Protocol (Protokoll tat-Telf u l-Ħela tal-Ikel) huwa sforz minn bosta partijiet ikkonċernati li wassal għall-iżvilupp ta' standard ta' kontabbiltà u rapportar globali (magħruf bħala l-Istandard FLW) għall-kwantifikazzjoni tal-ikel u partijiet li ma jistgħux jittieklu assoċjati mneħħija mill-katina tal-provvista tal-ikel (18);

AC.

billi l-monitoraġġ mhux biss ta' kemm jinħela iżda anke ta' kemm ikun kbir l-ammont ta' ikel żejjed u l-kwantitajiet tal-ikel irkuprati jistgħu jipprovdu stampa aktar kompleta, li tista' tkun utli fit-tnedija ta' politiki tajba fil-livell tal-UE;

AD.

billi l-ġerarkija tal-immaniġġjar tal-iskart stabbilita mid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (19) (il-prevenzjoni, il-preparazzjoni għar-riutilizzazzjoni, ir-riċiklaġġ, l-irkupru u r-rimi) ma tqisx il-karatteristiċi speċifiċi tal-iskart tal-ikel, li huwa fluss tal-iskart li jvarja ferm; billi bħalissa ma teżisti l-ebda ġerarkija speċifika għall-immaniġġjar tal-ikel mhux ikkonsmat u tal-iskart tal-ikel fil-livell tal-UE; billi jenħtieġ li tiġi stabbilita ġerarkija tal-iskart tal-ikel li tqis il-katina kollha tal-ikel; billi l-prevenzjoni u l-użu mill-ġdid għall-konsum mill-bniedem għandhom ikunu l-miżuri prijoritarji;

AE.

billi, bil-politiki ta' inċentivazzjoni xierqa, l-eċċessi tal-ikel jistgħu jiġu rkuprati u jintużaw biex jintemgħu in-nies;

AF.

billi hemm il-potenzjal għall-ottimizzazzjoni tal-użu ta' residwi tal-ikel u prodotti sekondarji mill-katina tal-ikel fil-produzzjoni tal-għalf tal-annimali;

AG.

billi l-inċinerazzjoni u r-rimi f'miżbla tal-iskart tal-ikel għadhom prattiki kontinwi f'xi nħawi tal-UE u huma kuntrarji għall-ekonomija ċirkolari;

AH.

billi l-Artikolu 9(1)(f) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (20) jirrikjedi li l-operaturi fin-negozju tal-ikel jindikaw id-data tad-durabbiltà minima (id-data “l-aħjar qabel”) jew id-data “uża sa” ta' prodott tal-ikel;

AI.

billi l-immarkar tad-data fuq il-prodotti tal-ikel ma jinftiehemx tajjeb, speċjalment mill-konsumaturi; billi t-tikkettar “l-aħjar qabel” jindika d-data li warajha ġeneralment prodott tal-ikel xorta jkun jista' jittiekel, iżda jista' jkun li ma jkunx għadu fl-aħjar kundizzjoni tiegħu f'termini ta' kwalità, filwaqt li t-tikkettar “uża sa” jindika d-data li warajha oġġett tal-ikel ma jibqax aktar sikur biex jittiekel; billi lanqas nofs iċ-ċittadini tal-UE ma jifhmu t-tifsira tat-tikkettar “l-aħjar qabel” u “uża sa” (21); billi l-użu tal-“l-aħjar qabel” u “uża sa” u l-modi li bihom huma mifhuma jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, u bejn produtturi, proċessuri u distributuri differenti, anki jekk il-prodott ikun l-istess; billi skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, id-data ta' skadenza fuq prodott għandha tkun tidher faċilment u tinqara sew;

AJ.

billi d-donazzjoni tal-ikel mhux mibjugħ tul il-katina tal-ikel kollha twassal għal tnaqqis konsiderevoli fil-ħela tal-ikel, filwaqt li tgħin lill-persuni fil-bżonn tal-ikel li ma jkunux kapaċi jixtru prodotti tal-ikel partikolari jew kwantità suffiċjenti ta' ikel tal-istess kwalità; billi s-supermarkets u l-ħwienet gastronomiċi jista' jkollhom rwol distintiv f'dan il-proċess;

AK.

billi l-fondi tal-Unjoni bħalma hu l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) jiffaċilitaw id-donazzjoni tal-ikel billi jiffinanzjaw, inter alia, l-infrastruttura tal-ħżin u tat-trasport għall-ikel mogħti b'donazzjoni; billi l-Istati Membri ma jagħmlux użu biżżejjed tal-FEAD;

AL.

billi t-twassil ta' ikel żejjed li jista' jiġi kkunsmat lil dawk fil-bżonn huwa mfixkel minn ostakolu fil-kapaċità tal-kanal tad-distribuzzjoni, jew xi kultant in-nuqqas sħiħ ta' kapaċità ta' dak il-kanal; billi l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tal-karità li jwettqu ħidma soċjali u li huma sostnuti mill-Istat jew minn awtoritajiet lokali m'għandhomx ir-riżorsi finanzjarji u umani biex ikunu jistgħu jittrasportaw u jiddistribwixxu ikel li jista' jiġi kkunsmat offrut għal finijiet ta' karità; billi dan huwa speċjalment minnu fir-reġjuni l-aktar żvantaġġati;

AM.

billi l-programmi soċjali u minn isfel għal fuq, pereżempju l-banek tal-ikel jew il-postijiet tal-ikel imħaddma minn organizzazzjonijiet tal-karità, inaqqsu l-ħela tal-ikel u jgħinu lill-aktar nies foqra, u għalhekk jgħinu wkoll biex tiġi stabbilita soċjetà responsabbli u sensibilizzata;

AN.

billi fis-Suq Uniku ħafna kumpaniji jipproduċu ikel għal aktar minn pajjiż wieħed; billi l-prodotti mhux mibjugħa minn dawn il-kumpaniji f'xi każijiet ma jistgħux jingħataw bħala donazzjoni fil-pajjiż tal-produzzjoni minħabba li t-tikkettar ikun b'lingwi barranin;

AO.

billi d-donaturi tal-ikel huma meqjusa bħala “operaturi fin-negozju tal-ikel” skont ir-Regolament tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel (22) u b'hekk iridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE kollha dwar l-ikel li tikkonċerna r-responsabbiltà, it-traċċabbiltà u r-regoli dwar is-sikurezza tal-ikel stabbiliti permezz tal-Pakkett dwar l-Iġjene tal-Ikel (23); billi r-riskji assoċjati mar-responsabbiltà għall-ikel mogħti b'donazzjoni jistgħu jġiegħlu lid-donaturi potenzjali tal-ikel jarmu l-ikel żejjed minflok jagħtuh (24);

AP.

billi, minħabba f'ostakoli amministrattivi eżistenti, il-katini ewlenin tal-bejgħ bl-imnut u s-supermarkets isibuha aċċettabbli li jarmu l-ikel li jkun viċin id-data “uża sa” minflok jagħtuh bħala donazzjoni;

AQ.

billi l-Kummissjoni attwalment qiegħda taħdem fuq kjarifika tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar id-donazzjonijiet;

AR.

billi diversi Stati Membri diġà adottaw leġiżlazzjoni nazzjonali biex jillimitaw il-ħolqien ta' skart tal-ikel, fejn l-Italja, speċifikament, adottat leġiżlazzjoni li tiffaċilita d-donazzjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel għal finijiet ta' solidarjetà soċjali billi teskludi r-responsabbiltà tad-donaturi għall-ikel li jingħata in bona fide u magħruf li jkun tajjeb għall-konsum fil-mument tad-donazzjoni;

AS.

billi l-pajjiżi jistgħu wkoll jadottaw linji gwida volontarji nazzjonali għal donazzjonijiet tal-ikel, bħal dawk ippreparati mill-awtoritajiet tas-sikurezza tal-ikel fil-Finlandja, li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ħela evitabbli tal-ikel;

AT.

billi d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (25) (id-Direttiva tal-VAT) tistabbilixxi li d-donazzjonijiet tal-ikel huma taxxabbli u li l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq id-donazzjonijiet tal-ikel mhumiex permessi; billi l-Kummissjoni tirrakkomanda li, għall-finijiet tat-taxxa, il-valur tal-ikel mogħti b'donazzjoni qrib id-data ta' “l-aħjar qabel” jew li ma jkunx addattat għall-bejgħ jenħtieġ li jiġi stabbilit bħala “pjuttost baxx, saħansitra qrib iż-żero” (26); billi xi Stati Membri jinċentivaw id-donazzjonijiet tal-ikel billi “jabbandunaw” ir-responsabbiltà tal-VAT, iżda l-konformità mad-Direttiva tal-VAT mhijiex ċara; billi Stati Membri oħrajn joffru kreditu ta' taxxa korporattiva fuq l-ikel mogħti b'donazzjoni (27);

AU.

billi, sfortunatament, f'ħafna Stati Membri jiġi aktar għali li tagħti l-ikel żejjed li huwa tajjeb għall-konsum milli tibagħtu għal diġestjoni anaerobika, li jmur kontra l-interess pubbliku, minħabba l-għadd ta' persuni li jgħixu f'faqar estrem;

AV.

billi l-imballaġġ tal-ikel jagħti kontribut importanti lit-tnaqqis tal-ħela tal-ikel u s-sostenibbiltà billi jestendi l-ħajja tal-prodotti u jipproteġihom; billi l-imballaġġ tal-ikel li huwa riċiklabbli u li ġej minn materja prima rinnovabbli jista' jikkontribwixxi aktar għall-għanijiet ambjentali u ta' effiċjenza fir-riżorsi;

AW.

billi l-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel attivi u intelliġenti jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ikel fil-pakketti u jestendu ż-żmien kemm jista' jinħażen, jistgħu jimmonitorjaw aħjar il-kundizzjoni tal-ikel fil-pakketti, u jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar il-freskezza tal-ikel;

AX.

billi t-trattament tal-ikel li jintrema jieħu riżorsi addizzjonali;

AY.

billi l-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel iġġib ukoll benefiċċji ekonomiċi, billi kull euro li jintefaq fuq il-ħela tal-ikel jagħmilha possibbli li jiġu evitati 265 kg ta' skart tal-ikel, b'valur ta' EUR 535, tippermetti lill-awtoritajiet lokali jiffrankaw EUR 9 fuq il-kost tal-iskart, u tippermetti li jiġu ffrankati EUR 50 fuq kostijiet ambjentali marbuta mal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u t-tniġġis tal-arja (28);

AZ.

billi jenħtieġ li tittieħed azzjoni fil-livell xieraq biex titnaqqas il-ħela tal-ikel; billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fit-tnaqqis tal-ħela tal-ikel permezz tar-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tagħhom fl-immaniġġjar tal-iskart, il-kapaċitajiet tagħhom biex jibdew u jmexxu kampanji lokali kif ukoll il-kuntatt u l-kooperazzjoni diretta tagħhom mas-soċjetà ċivili u ma' organizzazzjonijiet tal-karità, meta jitqies is-sehem kbir tagħhom fl-akkwist pubbliku u f'ħafna każijiet l-awtorità tagħhom fuq l-istituzzjonijiet edukattivi;

BA.

billi l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell Ewropew u internazzjonali, kif ukoll l-għajnuna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, huma ta' importanza ewlenija fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel mad-dinja kollha;

BB.

billi l-Parlament Ewropew ilu mit-tieni semestru tal-2013 jimplimenta politika komprensiva bil-għan li jnaqqas b'mod drastiku l-iskart tal-ikel prodott mis-servizzi tal-catering tiegħu; billi l-ikel mhux ikkunsmat mill-produzzjoni żejda jingħata b'donazzjoni b'mod regolari mill-faċilitajiet ewlenin tal-Parlament fi Brussell;

1.

Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jitnaqqas l-ammont ta' ikel moħli, u li tittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi fl-Unjoni f'kull stadju tal-katina tal-ikel, inklużi l-produzzjoni, l-ipproċessar, it-trasport, il-ħżin, il-bejgħ lill-konsumatur, il-kummerċjalizzazzjoni u l-konsum, filwaqt li jitqies li fil-pajjiżi industrijalizzati ħafna l-ikel jintrema b'mod predominanti fl-istadji tal-bejgħ u tal-konsum, filwaqt li fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw l-ikel jibda jinħela fl-istadji tal-produzzjoni u tal-ipproċessar; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tat-tmexxija politika u ta' impenn kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Istati Membri; ifakkar li l-Parlament Ewropew talab bosta drabi lill-Kummissjoni tieħu azzjoni kontra l-ħela tal-ikel;

2.

B'mod aktar speċifiku, iħeġġeġ biex jitnaqqas l-ammont ta' ikel moħli ġġenerat fil-livelli tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsumatur u sabiex jitnaqqas it-telf tal-ikel tul il-ktajjen tal-produzzjoni u tal-provvista, inkluż it-telf wara l-ħsad;

3.

Jinsisti, għaldaqstant, fuq il-ħtieġa li tittejjeb il-komunikazzjoni bejn l-atturi kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel, b'mod partikolari bejn il-fornituri u d-distributuri, sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-provvista u d-domanda;

4.

Jitlob li jkun hemm reazzjoni politika kkoordinata fil-livell tal-UE u l-Istati Membri, f'konformità mal-kompetenzi rispettivi, li mhux biss tqis il-politiki dwar il-ħela, is-sikurezza tal-ikel u l-informazzjoni, iżda wkoll elementi tal-politika ekonomika, fiskali, finanzjarja, tar-riċerka u l-innovazzjoni, tal-ambjent, politika strutturali (agrikoltura u sajd), tal-edukazzjoni, dik soċjali, tal-kummerċ, tal-ħarsien tal-konsumatur, tal-enerġija u tal-akkwist pubbliku; jappella, f'dan ir-rigward, għal koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri; jenfasizza li l-isforzi tal-UE biex titnaqqas il-ħela tal-ikel jenħtieġ li jissaħħu u jiġu allinjati aħjar; jinnota li n-negozji tul il-katina tal-provvista tal-ikel huma fil-biċċa l-kbira SMEs, li jenħtieġ li ma jiġux mgħobbija b'amministrazzjoni żejda mhux raġonevoli;

5.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi lis-servizzi rilevanti kollha tal-Kummissjoni li jittrattaw il-ħela fl-ikel u tiżgura koordinazzjoni kontinwa u msaħħa fil-livell tal-Kummissjoni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tuża approċċ sistematiku li jindirizza l-aspetti kollha tal-ħela tal-ikel u tistabbilixxi pjan ta' azzjoni komprensiv dwar il-ħela tal-ikel li jkopri l-bosta oqsma ta' politika u li jispjega l-istrateġija għas-snin li ġejjin;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-leġiżlazzjoni Ewropea li tista' tfixkel il-ġlieda effettiva kontra l-ħela tal-ikel u tanalizza kif tista' tiġi adattata biex tilħaq l-għan tal-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta twettaq valutazzjonijiet tal-impatt dwar proposti leġiżlattivi rilevanti ġodda, tevalwa l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-ħela tal-ikel;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jpoġġu l-appoġġ finanzjarju eżistenti għall-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel fuq bażi permanenti; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-opportunitajiet offruti f'dan il-qasam mid-diversi politiki u programmi ta' finanzjament tal-Unjoni Ewropea;

9.

Jenfasizza r-responsabilità tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex jiżviluppaw approċċ imfassal għall-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel, fi ħdan il-qafas tal-UE; jirrikonoxxi l-ħidma importanti li diġà twettqet f'diversi Stati Membri;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' komunikazzjoni dwar kif tiġi evitata l-ħela tal-ikel;

11.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex inaqqsu t-telf tal-ikel tul il-katina ta' provvista kollha, inkluża fil-produzzjoni primarja, it-trasport u l-ħżin;

12.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex tinkiseb mira tal-Unjoni ta' tnaqqis tal-ħela tal-ikel bi 30 % sal-2025 u 50 % sal-2030, meta mqabbel mal-bażi ta' referenza tal-2014;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina, sal-31 ta' Diċembru 2020, il-possibbiltà li tistabbilixxi miri vinkolanti għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel fl-Unjoni kollha li għandhom jintlaħqu sal-2025 u l-2030 abbażi tal-kejl ikkalkulat f'konformità ma' metodoloġija komuni; jistieden lill-Kummissjoni tfassal rapport, akkumpanjat bi proposta leġiżlattiva, fejn ikun xieraq;

14.

Jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw u jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-miżuri tagħhom għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, billi jkejlu l-livelli tal-ħela tal-ikel abbażi ta' metodoloġija komuni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja definizzjoni legalment vinkolanti tal-ħela tal-ikel u tadotta, sal-31 ta' Diċembru 2017, metodoloġija komuni, inklużi rekwiżiti minimi ta' kwalità, għall-kejl uniformi tal-livelli ta' ħela tal-ikel; jemmen li definizzjoni u metodoloġija komuni tal-UE għall-kejl tat-“telf” tal-ikel, applikabbli għall-katina tal-provvista kollha kemm hi, jiffaċilitaw l-isforzi tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati fil-kalkolu u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel;

15.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw id-definizzjoni li ġejja ta' “ħela tal-ikel”: “ħela tal-ikel tfisser ikel maħsub għall-konsum mill-bniedem, jew fi stat li jista' jittiekel jew li ma jistax jittiekel, imneħħi mill-katina tal-produzzjoni jew tal-provvista sabiex jintrema, inkluż fil-livelli tal-produzzjoni primarja, tal-ipproċessar, tal-manifattura, tat-trasport, tal-ħżin, tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsumatur, bl-eċċezzjoni ta' telf tal-produzzjoni primarja”;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni turi distinzjoni ċara fil-politiki futuri tagħha bejn il-ħela tal-ikel u t-telf tal-ikel, li ma jistax ikun evitat fil-livell primarju tal-produzzjoni minħabba forzi maġġuri bħal maltempati;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi t-telf tal-ikel fis-settur agrikolu u f'setturi ta' produzzjoni primarja oħrajn fil-kalkoli tagħha, sabiex tiżgura approċċ li jqis il-katina tal-provvista kollha kemm hi; jinnota, madankollu, li l-kwantifikazzjoni tat-telf fl-istadju tal-produzzjoni primarja tista' tkun diffiċli u jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-aħjar prattiki biex tassisti lill-Istati Membri fil-ġbir ta' dejta bħal din;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq definizzjoni komuni tal-kunċett ta' “telf” f'kull pass fil-katina tal-ikel, u metodoloġija komuni ta' kejl f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet kollha involuti;

19.

Jinnota li hu diffiċli li jiġu kkwantifikati l-ħela tal-ikel u t-telf tal-ikel fl-istadju tal-produzzjoni primarja minħabba l-prodotti eteroġenji u l-proċessi rispettivi u n-nuqqas ta' definizzjoni ċara ta' ħela tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u xxerred fost l-Istati Membri l-aħjar prassi f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġbir ta' dejta dwar it-telf u l-ħela tal-ikel fl-azjendi agrikoli mingħajr ma tpoġġi piż amministrattiv addizzjonali jew spejjeż żejda għall-bdiewa;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha dwar il-metodoloġija statistika u miżuri oħrajn li għandhom jiġu implimentati sabiex tiġi evitata l-ħela tal-ikel fl-Unjoni u fis-setturi kollha;

21.

Jinnota li m'hemm l-ebda definizzjoni u metodoloġija komuni tal-UE għall-kejl ta' “eċċess tal-ikel”; jirrimarka li l-Italja adottat leġiżlazzjoni li tiddefinixxi l-eċċessi fil-katina tal-ikel u tipprovdi ġerarkija għall-irkupru tal-eċċessi, filwaqt li tingħata prijorità lill-konsum mill-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-effetti tal-leġiżlazzjoni msemmija fuq id-donazzjoni tal-ikel u l-ħela tal-ikel fl-Italja, u tikkunsidra li tipproponi leġiżlazzjoni simili fil-livell tal-UE jekk dan ikun meħtieġ;

22.

Jitlob li tiġi applikata ġerarkija tal-iskart tal-ikel speċifika fid-Direttiva 2008/98/KE kif ġej:

(a)

il-prevenzjoni fis-sors;

(b)

l-irkupru tal-ikel li jista' jittiekel, il-prijoritizzazzjoni tal-użu mill-bniedem fuq l-għalf tal-annimali u l-ipproċessar mill-ġdid fi prodotti mhux alimentari;

(c)

ir-riċiklaġġ organiku;

(d)

l-irkupru enerġetiku;

(e)

ir-rimi;

23.

Jenfasizza l-inizjattivi li jinsabu fil-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari li jkopru miżuri għat-twaqqif ta' pjattaforma ta' appoġġ finanzjarju sabiex jiġu attirati l-investiment u l-innovazzjonijiet immirati biex inaqqsu t-telf, kif ukoll il-linji gwida indirizzati lejn l-Istati Membri għall-konverżjoni ta' xi telf ta' ikel jew prodotti agrikoli sekondarji f'enerġija;

24.

Jisħaq fuq il-punt li l-ħtiġijiet enerġetiċi għandhom jiġu ssodisfati permezz tal-użu tal-iskart u l-prodotti sekondarji li ma jkunux utli fi kwalunkwe proċess ieħor fl-ogħla livelli tal-ġerarkija tal-iskart;

25.

Jenfasizza li l-ġlieda b'suċċess kontra l-ħela tal-ikel tirrikjedi wkoll livelli b'saħħithom ta' riċiklaġġ fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart riveduta u l-integrazzjoni tal-prinċipju ta' kaskata għall-bijomassa fil-politika tal-enerġija tal-UE;

26.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi inkluż obbligu għall-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea kull sena bil-livell totali ta' skart tal-ikel iġġenerat f'sena speċifika;

27.

Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri speċifiċi ta' prevenzjoni tal-ħela tal-ikel fil-programmi tagħhom tal-prevenzjoni tal-ħela; jistieden lill-Istati Membri b'mod partikolari biex jistabbilixxu ftehimiet volontarji u biex joħolqu inċentivi ekonomiċi u fiskali għad-donazzjoni tal-ikel u mezzi oħra biex tiġi limitata l-ħela tal-ikel;

28.

Iqis, b'mod speċifiku, li, bil-għan li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u produzzjoni, inklużi d-diġestat u l-kompost, bi standards ta' kwalità għoljin, l-Istati Membri jenħtieġ li jinkoraġġixxu l-ikkompostjar fid-djar u s-separazzjoni tal-bijoskart fis-sors, u jiżguraw li dan l-iskart ikun soġġett għall-bijoriċiklaġġ; iqis li l-Istati Membri jenħtieġ li jipprojbixxu wkoll it-tqegħid tal-bijoskart f'miżbliet;

29.

Jinnota r-riskju ta' kontaminazzjoni involut mill-plastik u l-metall fl-inputs tal-iskart tal-ikel għall-kompost u l-ħamrija, u fi stadju ulterjuri, f'ekosistemi tal-ilma ħelu u tal-baħar, u jħeġġeġ li din ir-rotta ta' tniġġis tiġi minimizzata; ifakkar, barra minn hekk, l-intenzjoni tad-Direttiva dwar l-użu tal-ħama tad-dranaġġ fl-agrikoltura biex tnaqqas il-kontaminazzjoni fil-ħamrija agrikola; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm kawtela meta jitqies it-taħlit ta' flussi tal-iskart kif ukoll li jkun hemm salvagwardji xierqa;

30.

Jenfasizza li s-sikurezza tal-ikel hija fundamentali u li l-miżuri għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel jeħtieġ li ma jikkompromettux l-istandards attwali tas-sikurezza tal-ikel; jenfasizza li l-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel jenħtieġ li ma tikkompromettix is-sikurezza tal-ikel u l-istandards ambjentali, u lanqas l-istandards għall-protezzjoni tal-annimali, b'mod partikolari s-saħħa u l-benessri tal-annimali;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jadottaw miżuri li jikkontrollaw is-sikurezza tal-ikel mil-lat tas-saħħa kull meta jkun meħtieġ sabiex iżidu l-fiduċja taċ-ċittadini u l-konsumaturi f'politiki li jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-ħela tal-ikel;

32.

Jinnota li l-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel hija l-miżura prijoritarja li trid tiġi segwita, meta l-iskart jiġi mmaniġġjat b'mod korrett f'konformità mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari; jenfasizza, madankollu, li attwalment huwa impossibbli li l-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel titniżżel għal żero; iqis li huwa meħtieġ, għalhekk, li jiġu stabbiliti miżuri obbligatorji tal-UE biex ikun żgurat li l-iskart tal-ikel jista' jinbidel f'riżorsi ġodda;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi ekonomiċi biex jappoġġjaw il-ġbir tal-ikel mhux użat, li jista' jew jiġi ddistribwit mill-ġdid lill-karitajiet jew jerġa' jintuża mill-ġdid għal skop sekondarju ieħor li jipprevjeni l-ħela tal-ikel, bħal li l-ikel mhux użat jitbiddel f'riżorsa ta' valur, billi jintuża fil-produzzjoni tal-għalf għall-bhejjem u l-annimali domestiċi;

34.

Jinnota l-potenzjal għall-ottimizzazzjoni tal-użu tal-ikel li inevitabbilment jintilef jew jitwarrab u ta' prodotti sekondarji mill-katina tal-ikel, b'mod partikolari dawk li joriġinaw mill-annimali, fil-produzzjoni tal-għalf, ir-riċiklaġġ tan-nutrijenti u l-produzzjoni ta' prodotti li jtejbu l-ħamrija u l-importanza tagħhom għall-produzzjoni primarja;

35.

Jenfasizza li leġiżlazzjoni Ewropea aktar effettiva dwar il-prodotti sekondarji fid-Direttiva 2008/98/KE tista' tgħin biex titnaqqas b'mod sinifikanti l-ħela tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni, għal dan l-għan, biex tappoġġja, partikolarment permezz tal-programm Orizzont 2020, proġetti li jinvolvu kumpaniji agroalimentari mfassla biex jiffaċilitaw is-sinerġiji bejn l-agrikoltura u l-industrija;

36.

Itenni l-ħtieġa li l-Kummissjoni tfassal rapport, sal-31 ta' Diċembru 2018, biex tevalwa l-ħtieġa ta' miżuri regolatorji trasversali fis-settur tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, u li tfassal rapport tal-impatt biex tidentifika r-regolamenti li l-interazzjoni tagħhom qed taġixxi bħala ostakolu għall-iżvilupp ta' sinerġiji bejn is-setturi, u qed tfixkel l-użu ta' prodotti sekondarji;

37.

Jisħaq fuq il-punt li l-użu ta' ħażniet u ikel li inkella jinħlew ma jipprekludix il-ħtieġa li jkun hemm ġestjoni tajba tal-provvista u ġestjoni għaqlija tal-katina tal-ikel biex jiġu evitati eċċessi strutturali sistematiċi;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-użu ta' grad aktar għoli ta' oġġetti li kienu tal-ikel u ta' prodotti sekondarji mill-katina kollha tal-ikel fil-produzzjoni tal-għalf tal-annimali;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-ostakli legali għall-użu ta' dawk li kienu oġġetti tal-ikel fil-produzzjoni tal-għalf u tħeġġeġ ir-riċerka f'dan il-qasam, filwaqt li, fl-istess ħin, jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm aktar traċċabilità, konformità mal-istandards tal-bijosigurtà u użu ta' proċessi ta' separazzjoni u ta' trattament li jnaqqsu għal żero r-riskju għas-sikurezza alimentari;

40.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel, li hija maħsuba biex tidentifika miżuri prijoritarji li jridu jiġu adottati fil-livell tal-UE biex jiġu pprevenuti t-telf tal-ikel u l-ħela tal-ikel, u tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-operaturi involuti; jenfasizza, għal dan il-għan, li l-involviment rilevanti tal-Parlament Ewropew fil-ħidma tal-Pjattaforma jkun mixtieq; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament lista preċiża tal-miżuri li attwalment qed jittiħedu u l-objettivi u l-għanijiet sussidjarji segwiti, kif ukoll il-progress li qed jitwettaq dwar metodoloġija komuni u dwar id-donazzjonijiet; iqis li l-Pjattaforma tista' tkun l-istrument it-tajjeb għall-kejl ta' mhux biss kemm jinħela ikel iżda wkoll tal-kwantitajiet ta' eċċessi tal-ikel u ta' ikel irkuprat; għadu konvint, madankollu, li dan jista' jkun biss l-ewwel pass biex tiġi indirizzata l-problema tal-ħela tal-ikel;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni jkollha disponibbli fl-24 lingwa tal-UE l-proċedimenti tal-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel;

42.

Jistieden lill-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel, fost l-oħrajn, biex tappoġġja l-iżvilupp ta' varjetà ta' kanali ta' informazzjoni għall-konsumatur kif ukoll informazzjoni tal-konsumaturi u programmi ta' edukazzjoni dwar l-oġġetti tal-ikel; iħeġġeġ lill-Pjattaforma tiffaċilita l-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati lokali dwar inizjattivi ta' prevenzjoni tal-ħela tal-ikel u donazzjoni b'enfasi fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tranżazzjoni korrispondenti; itenni l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki, l-ikkombinar tal-għarfien u l-evitar tad-duplikazzjoni ma' forums rilevanti oħra bħal pereżempju l-Forum fil-Livell tal-Konsumatur tal-UE dwar is-Sostenibbiltà, ir-Round table Ewropea dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli tal-Ikel, il-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel, u il-Forum tal-Oġġetti tal-Konsum;

43.

Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan l-azzjonijiet tal-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel, biex tivvaluta l-aħjar prattiki li s'issa ġew implimentati fl-Istati Membri differenti, sabiex jiġu definiti aħjar l-istrumenti effettivi biex titnaqqas il-ħela tal-ikel;

44.

Iqis li, sabiex titnaqqas kemm jista' jkun il-ħela tal-ikel, huwa meħtieġ li jkunu involuti l-parteċipanti kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel u biex jidħlu fil-mira l-kawżi differenti tal-iskart fuq bażi settur b'settur; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tagħmel analiżi tal-katina tal-ikel kollha sabiex tidentifika f'liema setturi tal-ikel il-ħela tal-ikel huwa l-aktar prevalenti u x'soluzzjonijiet jistgħu jintużaw biex tiġi evitata l-ħela tal-ikel;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiskambjaw, jippromwovu u jappoġġjaw prattiki ta' tnaqqis tal-ħela tal-ikel b'suċċess u metodi għall-konservazzjoni tar-riżorsi li diġà qed jintużaw minn partijiet ikkonċernati; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar x'miżuri settorjali mmirati għandhom jittieħdu fil-kuntest tal-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel;

46.

Jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom qabel xejn jikkonsultaw il-partijiet ikkonċernati kollha – inkluż is-settur agrikolu – u jwettqu valutazzjoni tal-impatt fuq kwalunkwe miżura proposta li għandha tiġi implimentata sabiex tiġi evitata l-ħela tal-ikel fl-Unjoni kollha;

47.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha, biex jimpenjaw ruħhom sabiex jitjieb il-fehim, speċjalment mill-konsumaturi, tad-dati 'uża sa' u 'l-aħjar qabel', u dwar il-possibilità tal-użu tal-prodotti tal-ikel wara d-data “l-aħjar qabel”, inter alia, billi jwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' edukazzjoni u billi jiffaċilitaw l-aċċess aktar faċli ta' informazzjoni li tinftiehem dwar il-prodott, u l-forniment ta' tali informazzjoni; jirrimarka li l-użu ta' tikkettar b'żewġ dati, pereżempju 'bigħ sa' u 'uża sa', fuq l-istess prodott jista' jkollu effett negattiv fuq id-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tal-ikel tal-konsumaturi; jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi jingħataw is-setgħa sabiex jiġi megħjuna jagħmlu deċiżjonijiet informati;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mill-evalwazzjoni li għaddejja tagħha, sabiex tivvaluta, b'mod partikolari: jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u l-prattika tad-dati “l-aħjar qabel” u “uża sa” f'għadd ta' Stati Membri hijiex adatta għall-iskop; jekk għandhiex tiġi kkunsidrata reviżjoni tat-terminoloġija tad-dati 'uża sa' u 'l-aħjar qabel', biex ikun aktar faċli għall-konsumaturi li jifhmuhom; jekk jistax ikun ta' benefiċċju li ċerti dati għal prodotti fejn m'hemm involuti l-ebda riskji għas-saħħa jew għall-ambjent jitneħħew, u jekk jistax ikun rakkomandabbli li jiġu introdotti linji gwida Ewropej dwar din il-kwistjoni; jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju ta' riċerka sabiex tevalwa r-rabta bejn l-immarkar tad-data u l-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel;

49.

Jilqa' l-inizjattiva meħuda minn xi operaturi kbar tal-bejgħ bl-imnut biex jipromwovu skemi biex isir tibdil fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti għall-konsum skont id-dati ta' skadenza tagħhom, bil-għan li tingħata spinta lis-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur u jitħeġġeġ ix-xiri ta' prodotti li huma viċin tad-dati ta' skadenza tagħhom;

50.

Fid-dawl tal-fatt li ħafna mill-prodotti tal-ikel, fil-jiem wara l-iskadenza tad-data 'l-aħjar qabel', ikun għad għandhom il-karatteristiċi organolettiċi u nutrittivi tagħhom, għalkemm xi ftit ikunu naqsu, u jibqgħu jistgħu jiġu kkunsmati, sakemm jiġu osservati l-prinċipji tas-sikurezza tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-mudelli loġistiċi u organizzattivi li jistgħu jagħmluha possibbli li jiġu rkuprati, fis-sikurezza sħiħa, it-tipi kollha ta' prodotti li ma jkunux inbiegħu sa dik id-data;

51.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-ipprezzar varjabbli b'rabta mad-dati ta' skadenza bħala għodda biex titnaqqas il-kwantità ta' prodotti tal-ikel li jistgħu jittieklu li jispiċċaw skart; iqis li l-ħela fl-istadju tad-distribuzzjoni tista' titnaqqas b'mod konsiderevoli billi jiġu introdotti skontijiet fi proporzjon għaż-żmien li jkun fadal qabel l-iskadenza tal-prodott; jemmen li prattika bħal din, li attwalment titwettaq fuq bażi volontarja, jenħtieġ li tiġi promossa u appoġġjata;

52.

Jitlob lill-Kummissjoni taġġorna l-lista tal-ikel attwalment eżentat mit-tikkettar “l-aħjar qabel” sabiex tiġi evitata l-ħela tal-ikel;

53.

Iqis li jinħtieġu aktar riċerka u informazzjoni dwar id-dati ta' skadenza, immirati lejn kull prodott, flimkien ma' azzjoni biex jiġi promoss u msaħħaħ il-konsum ta' prodotti friski u sfużi, u biex jonqsu l-imballaġġ u l-ħżin fuq perjodu twil;

54.

Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet ikkonċernati jistabbilixxu kampanji ta' informazzjoni u komunikazzjoni biex jippromwovu l-fehim tal-konsumaturi u l-operaturi kollha fil-katina alimentari tal-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel, tas-sikurezza tal-ikel, tal-valur tal-ikel u tal-prattiki tajba tal-ipproċessar, il-ġestjoni u l-konsum tal-ikel; jenfasizza li dawn l-inizjattivi jenħtieġ li jenfasizzaw li l-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel twassal għal benefiċċji mhux biss għall-ambjent iżda anki f'termini ekonomiċi u soċjali; jitlob li jkun hemm użu u promozzjoni tal-għodod ta' informazzjoni moderni, bħall-użu ta' applikazzjonijiet mobbli, sabiex jintlaħqu wkoll il-ġenerazzjonijiet ż-żgħar, li primarjament jużaw il-midja diġitali; jitlob li l-kwistjoni tal-ħela tal-ikel u l-ġuħ, li llum hija problema serja, tiġi indirizzata b'mod xieraq; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa għas-solidarjetà u li wieħed jaqsam ma' dawk l-aktar fil-bżonn;

55.

Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipproklamaw Sena Ewropea kontra l-Ħela tal-Ikel, bħala sors importanti ta' informazzjoni u inizjattiva biex titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini Ewropej, u biex ifittxu li jiffukaw l-attenzjoni tal-gvernijiet nazzjonali fuq din il-kwistjoni importanti, bil-għan li jkun hemm disponibbli biżżejjed fondi adegwati biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ġejjieni qarib;

56.

Jenfasizza l-importanza li t-tfal jiġu edukati u involuti fil-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel; jinnota li r-Rapport Speċjali Nru 34/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħela tal-Ikel jisħaq fuq l-importanza tal-inklużjoni ta' messaġġi edukattivi relatati mal-ħela tal-ikel fil-miżuri ta' akkumpanjament tal-Iskema tal-Ħalib għall-Iskejjel u tal-Iskema tal-Frott u l-Ħaxix għall-Iskejjel u jirrapporta li ftit li xejn Stati Membri għażlu li jagħmlu dan; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal sħiħ ta' dawn l-iskemi, li għandhom l-għan li joħolqu drawwiet tajba tal-ikel fost iż-żgħażagħ u jipprovdu opportunitajiet biex jitgħallmu dwar l-ikel frisk u dwar il-proċessi tal-produzzjoni agrikola;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmotivaw lill-familji biex jiġġieldu kontra l-ħela tal-ikel billi jippromwovu ġurnata fil-ġimgħa għall-fdalijiet tal-ikel u billi jagħtu informazzjoni dwar l-aħjar prattiki tax-xiri u t-tisjir biex jiġu segwiti mill-konsumaturi sabiex inaqqsu l-ħela tal-ikel tagħhom;

58.

Jisħaq fuq l-importanza li d-distribuzzjoni, il-konservazzjoni u l-proċeduri tal-imballaġġ jitfasslu kemm jista' jkun skont il-karatteristiċi ta' kull prodott u l-ħtiġijiet tal-konsumaturi, sabiex tiġi limitata l-ħela tal-prodott;

59.

Jisħaq fuq l-importanza, bil-ħsieb li titnaqqas il-ħela, li jiġi żgurat li l-ikel jitqassam u jinżamm bl-użu ta' metodi li huma adattati għall-karatteristiċi ta' kull prodott;

60.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni aħjar dwar il-metodi jikkonservaw u/jew jużaw mill-ġdid il-prodotti;

61.

Jissottolinja r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u l-intrapriżi muniċipali, flimkien ma' dak tal-bejjiegħa bl-imnut u l-midja, fl-għoti ta' informazzjoni u assistenza liċ-ċittadini dwar kif l-aħjar li jaħżnu/jew jużaw l-ikel sabiex jipprevjenu u jnaqqsu l-ħela tal-ikel;

62.

Jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar it-temperaturi ta' tkessiħ, fid-dawl ta' evidenza li turi li t-temperaturi mhux ideali jew ħżiena jwasslu biex l-ikel, qabel ma jiskadi, ma jibqax tajjeb biex jittiekel, u jiġġeneraw ħela bla bżonn; jenfasizza l-fatt li l-livelli armonizzati tat-temperaturi fil-katina tal-provvista jtejbu l-konservazzjoni tal-prodotti u jnaqqsu l-ħela tal-ikel għal prodotti li huma ttrasportati u mibjugħa b'mod transkonfinali;

63.

Jenfasizza l-ħtieġa li s-settur agroambjentali jtejjeb l-ippjanar tal-produzzjoni tiegħu bil-għan li jiġu ristretti l-eċċessi tal-ikel; jenfasizza, madankollu, li livell minimu ta' eċċessi tal-ikel huwa attwalment fattur fiżjoloġiku fil-katina agroalimentari kollha, u li l-eċċessi tal-ikel huma kkawżati wkoll minn fatturi esterni li ma jistgħux jiġu kkontrollati; iqis, għal din ir-raġuni, li l-miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu d-donazzjoni jistgħu jikkostitwixxu għodda importanti biex jiġi evitat li l-eċċessi tal-ikel jispiċċaw skart;

64.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-innovazzjoni u l-investiment fit-teknoloġiji tal-ipproċessar fil-produzzjoni agrikola fi sforz biex titnaqqas il-ħela tal-ikel fil-katina tal-provvista tal-ikel u biex jitnaqqas it-telf tal-ikel fil-produzzjoni tal-ikel fl-azjendi agrikoli mmexxija mill-familji;

65.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) biex inaqqsu l-ħela tal-ikel fil-produzzjoni primarja u s-settur tal-ipproċessar;

66.

Jisħaq fuq l-importanza li jitlaqqgħu flimkien il-bdiewa fil-kooperattivi jew fl-assoċjazzjonijiet professjonali sabiex jitnaqqas it-telf tal-ikel u dan billi jissaħħaħ l-għarfien tagħhom tas-swieq, li jippermetti programmazzjoni aktar effiċjenti u l-ekonomiji ta' skala, u billi titjieb il-kapaċità tagħhom li jikkummerċjalizzaw il-produzzjoni tagħhom;

67.

Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni, pereżempju permezz tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew korpi oħra bħal organizzazzjonijiet interprofessjonali u kooperattivi, biex jiżdied l-aċċess għall-finanzi għall-innovazzjoni u l-investiment f'teknoloġiji ta' trattamenti bħall-ikkompostjar u d-diġestjoni anaerobika, fejn xieraq, jew l-ipproċessar ulterjuri tal-prodotti, li jistgħu jippermettu lill-bdiewa jkollhom aċċess għal prodotti, swieq u klijenti ġodda; josserva, b'rabta ma' dan, li l-organizzazzjoni settorjali u l-użu ta' kuntratti jwasslu għal ġestjoni aħjar tal-produzzjoni u azzjoni aktar effikaċi kontra l-ħela tal-ikel; jemmen li biex jiġi rispettat il-prinċipju tal-prossimità huwa essenzjali li dan isir fil-livell lokali jew reġjonali;

68.

Jinnota l-benefiċċji tal-kooperazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, li jippermettu aċċess aħjar għad-dejta u għal previżjonijiet tad-domanda, u tal-iżvilupp ta' programmi ta' produzzjoni minn qabel għall-bdiewa, li jippermettulhom ifasslu l-produzzjoni tagħhom skont id-domanda, jikkoordinaw aħjar mas-setturi l-oħra tal-katina tal-provvista tal-ikel, u jnaqqsu kemm jista' jkun il-ħela; jisħaq, minħabba n-natura diffiċli tat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel li ma jistax jiġi evitat, fuq il-punt li l-użu effikaċi tal-iskart tal-ikel, inkluza l-bijoekonomija, għandu jiġi promoss;

69.

Huwa tal-fehma li, sabiex il-provvista tal-prodott taqbel aħjar mad-domanda, ir-regoli ta' tikkettar li jipprovdu informazzjoni xierqa dwar l-oriġini tal-ingredjenti u t-tekniki tal-produzzjoni u tal-ipproċessar użati jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu xiri aktar informat, biex b'hekk ikollhom influwenza indiretta wkoll fuq il-fatturi ta' produzzjoni, li jkollhom impatt pożittiv mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali;

70.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħarrfu aħjar lill-bdiewa u lill-konsumaturi dwar ġestjoni aktar effiċjenti tal-enerġija, l-ilma u r-riżorsi naturali tul il-katina tal-ikel kollha, sabiex tonqos b'mod sinifikanti l-ħela tar-riżorsi u tal-ikel, bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-input u l-ħela tan-nutrijenti u tiżdied l-innovazzjoni u s-sostenibilità fis-sistemi tal-biedja;

71.

Iqis li huma meħtieġa aktar riċerka u informazzjoni sabiex tiġi evitata l-ħela tal-ikel fil-produzzjoni primarja u biex il-prattiki marbuta mal-ħela tal-ikel fil-produzzjoni agrikola, l-ipproċessar jew it-tqassim tal-ikel jiġu sostitwiti b'metodi favur l-ambjent;

72.

Jisħaq fuq il-punt li, sabiex il-ħela tal-ikel tinżamm għal minimu assolut, jenħtieġ li l-bdiewa jitqiegħdu f'pożizzjoni li, kemm teknikament kif ukoll ekonomikament, jużaw il-prodotti tagħhom bl-aktar mod effiċjenti mil-lat tar-riżorsi;

73.

Jemmen li l-inizjattivi mmexxija mill-bdiewa u mill-komunità jistgħu joffru soluzzjonijiet sostenibbli u vijabbli mil-lat ekonomiku u jipprovdu valur għal prodotti li inkella jinħlew, billi jiġu żviluppati swieq għall-prodotti li normalment jiġu esklużi mill-katina tal-ikel, u jenfasizza l-potenzjal ta' proġetti ta' innovazzjoni soċjali mmexxija mill-bdiewa u mill-komunità bħalma huma l-ġbir u l-għoti ta' ikel żejjed lill-assoċjazzjonijiet li jipprovdu għajnuna alimentari, inklużi l-banek tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu prattiki ta' dan it-tip u jippromwovuhom skont it-tieni pilastru tal-PAK;

74.

Jisħaq fuq il-punt li, sabiex titnaqqas il-ħela fl-istadju ta' produzzjoni, jenħtieġ li jintużaw tekniki u teknoloġiji innovattivi sabiex il-ħidma fl-għelieqi tagħti riżultati aħjar u dawk il-prodotti li ma jissodisfawx l-istandards tas-suq jiġu kkonvertiti f'oġġetti pproċessati;

75.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kwantitajiet kbar ta' frott u ħaxix li jista' jittiekel ma jaslux fis-suq għal raġunijiet estetiċi u minħabba l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni; jinnota li hemm inizjattivi li kellhom suċċess li jagħmlu użu minn tali prodotti, u jħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati mis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut biex jippromwovu prattiki bħal dawn; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-iżvilupp tas-swieq għal dawn il-prodotti tal-ikel, u biex iwettqu riċerka dwar ir-relazzjoni bejn l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u l-ħela tal-ikel f'dan il-kuntest;

76.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jinfluwenzaw l-istandards pubbliċi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE), bil-għan li jevitaw il-ħela tar-riżorsi billi jipprevjenu l-ħela tal-ikel;

77.

Iqis li kooperazzjoni akbar fost il-produtturi u l-użu ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi huma meħtieġa sabiex jippermettu u jippromwovu l-aċċess għal opportunitajiet fis-suq sekondarju, ħwienet oħra u użi alternattivi għall-eċċessi tal-ikel li inkella jerġgħu jinħartu fil-ħamrija jew jinħlew, biex b'hekk tingħata prijorità biex dawn il-prodotti jintużaw mill-ġdid għall-konsum tal-bniedem, bħal pereżempju billi jinbiegħu bi grad inferjuri għal ikel ipproċessat jew fi swieq lokali;

78.

Jinnota li dawk il-prodotti li jkunu għadhom jistgħu jintużaw għal skopijiet mhux alimentari, bħalma hi l-konverżjoni f'għalf, il-fertilizzazzjoni tal-għelieqi jew l-użu għall-produzzjoni tal-kompost u l-enerġija, għandhom jiġu distinti b'mod ċar minn dawk meqjusa bħala skart, sabiex ma jintilifx il-potenzjal tagħhom li jintużaw mill-ġdid;

79.

Jinnota li l-ammont ta' għelejjel mormija jista' jonqos jekk jinbiegħu eqreb lejn il-konsumaturi, pereżempju fis-swieq u l-ħwienet agrikoli tal-bdiewa, fejn iċ-ċirkwiti kummerċjali huma qosra u l-prodotti mixtrija huma prodotti lokali li ftit jinvolvu proċessar;

80.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu ikel lokali u jappoġġjaw il-katini tal-provvista qosra u l-bejgħ fid-djar ta' prodotti agrikoli;

81.

Jisħaq fuq il-punt li l-prodotti lokali u reġjonali, kif ukoll l-iskemi agrikoli appoġġjati mill-komunità, jippermettu ktajjen tal-provvista iqsar, li jżidu l-istandards ta' kwalità tal-prodotti u jappoġġjaw id-domandi staġonali, u b'hekk ikun hemm benefiċċji soċjali, ambjentali u ekonomiċi konsiderevoli;

82.

Jemmen li l-ktajjen tal-provvista qosra jista' jkollhom rwol vitali fit-tnaqqis tal-ħela tal-ikel u l-imballaġġ żejjed, fit-tnaqqis tad-distanzi ta' kemm jivjaġġa l-ikel u billu jipprovdu ikel ta' kwalità ogħla u ktajjen tal-ikel trasparenti u billi, b'dan il-mod, isostnu l-vijabilità ekonomika tal-komunitajiet rurali;

83.

Jappella għall-promozzjoni ta' frott u ħxejjex tal-istaġjun f'kull Stat Membru;

84.

Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari għall-benessri tal-annimali;

85.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex inaqqsu t-telf minħabba trattament ħażin tal-annimali;

86.

Jenfasizza li l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista jistgħu joħolqu l-ħela tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw kif prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel iwasslu għall-ħela tal-ikel, u biex joħolqu qafas ta' politika biex jiġġieldu dawn il-prattiki, fejn meħtieġ;

87.

Jemmen li jekk il-problema tal-prattiki kummerċjali inġusti tiġi solvuta, il-pożizzjoni tal-bdiewa, li huma l-ħolqa l-aktar dgħajfa fil-katina, titjieb, u, jekk il-produzzjoni żejda u l-akkumulazzjoni tal-eċċessi jonqsu, dan jista' jgħin mhux biss biex jiġu stabbilizzati l-prezzijiet u biex il-bdiewa jingħataw prezzijiet ġusti u remunerattivi mal-ħruġ mill-azjenda agrikola, iżda anke biex jitnaqqsu kemm il-ħela tal-ikel fil-katina kollha kif ukoll it-telf iġġenerat mill-azjendi agrikoli mmexxija mill-familji; jirrimarka li ħlas aktar ġust lill-produtturi jżid il-valur tal-prodotti, u li dan iwassal fi tnaqqis tal-ħela tal-ikel fil-ħoloq finali tal-katina tal-provvista;

88.

Jenfasizza li l-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali għandhom responsabbiltà ewlenija fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' tnaqqis u prevenzjoni tal-ħela tal-ikel u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu dan fl-istadji kollha tal-proċess;

89.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol li għandhom l-aġenziji pubbliċi li jipprovdu servizzi ta' interess ġenerali fil-ġestjoni tal-iskart u fl-isforzi għall-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel u l-isforzi tal-impriżi, bħall-SMEs, li jikkontribwixxu direttament għall-ekonomija ċirkolari;

90.

Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-gvernijiet lokali, lis-soċjetà ċivili, lis-supermarkets u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn biex jappoġġjaw inizjattivi li jnaqqsu l-ħela tal-ikel u jikkontribwixxu għal strateġija tal-ikel lokali, pereżempju, billi jinfurmaw lill-konsumaturi, permezz ta' applikazzjoni mobbli, dwar ikel mhux mibjugħ, biex b'hekk jiġu allinjati d-domanda u l-provvista;

91.

Jilqa' t-twaqqif ta' stabbilimenti tal-ikel fejn l-ikel li huwa tajjeb għall-konsum jista' jitħalla għal dawk fil-bżonn (“foodsharing”); jappella sabiex il-proċeduri jiġu ssimplifikati sabiex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta' faċilitajiet bħal dawn;

92.

Huwa tal-fehma li l-akbar ostaklu fl-UE sabiex l-eċċess tal-ikel li jkun għadu jista' jittiekel jitwassal lil dawk fil-bżonn huwa n-nuqqas, jew xi minn daqqiet l-assenza totali, ta' kapaċità fil-kanali ta' distribuzzjoni; jinnota li l-organizzazzjonijiet tal-karità u l-korpi ta' ħidma soċjali mmexxija mill-istat jew mill-gvern lokali m'għandhomx biżżejjed materjal jew riżorsi umani biex jittrasportaw jew iqassmu l-ikel li jkun għadu jista' jittiekel li jiġi offrut għal finijiet ta' karità; jinnota li dan huwa minnu b'mod partikolari għar-reġjuni l-aktar żvantaġġati;

93.

Jinnota li l-industrija tal-ikel diġà ħadet inizjattivi biex tnaqqas il-ħela tal-ikel billi saħħet il-kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet li jipprovdu għajnuna f'ikel, inklużi l-banek tal-ikel fl-Ewropa kollha;

94.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-ħolqien fl-Istati Membri ta' ftehimiet li jistipulaw li s-settur tal-ikel bl-imnut għandu jiddistribwixxi prodotti mhux mibjugħa lill-assoċjazzjonijiet tal-karità;

95.

Jappella biex ikun hemm involviment akbar min-naħa tal-partijiet ikkonċernati kollha sabiex jiġi żgurat li kull ikel li jkun wasal biex jiskadi l-ewwel jingħata għall-karità; jinnota, madankollu, li xorta għad hemm ostakoli għad-donazzjonijiet, l-aktar ta' natura legali; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali li jiskoraġġixxu d-donazzjonijiet;

96.

Jinsab imħasseb li 'l-kjarifika tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE li għandha x'taqsam mal-iskart, l-ikel u l-għalf, li tiffaċilita d-donazzjoni tal-ikel u l-użu mill-ġdid ta' dawk li kienu prodotti alimentari għall-għalf għall-annimali', kif imħabbar għall-2016 (29), għadha ma ġietx indirizzata;

97.

Jilqa' l-abbozz ta' linji gwida tal-UE dwar id-donazzjoni tal-ikel bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba; madankollu, fid-dawl tad-diversi ostakoli għad-donazzjoni tal-ikel li hemm fil-leġiżlazzjoni tal-UE, jemmen li d-donazzjoni tal-ikel mhux mibjugħ tul il-katina tal-provvista tal-ikel kollha għandha tingħata aktar promozzjoni permezz tal-promulgazzjoni ta' bidliet leġiżlattivi;

98.

Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-modalitajiet għad-donazzjoni tal-ikel lil karitajiet minn kumpaniji fil-pajjiż tal-produzzjoni, tkun xi tkun il-lingwa fuq l-imballaġġ tal-prodott; jirrimarka li d-donazzjonijiet ta' dawn l-oġġetti jenħtieġ li jsiru possibbli meta l-informazzjoni kritika għaż-żamma tas-sikurezza tal-ikel, eż. dwar l-allerġeni, tkun disponibbli għar-riċevituri fil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri tagħhom;

99.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali rigward id-donazzjoni tal-ikel billi jnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjoni sabiex jitbaxxa l-limitu minimu għall-parteċipazzjoni, eż. billi jiġu offruti għodod mudell li jistgħu jiġu adattati għall-bżonnijiet lokali speċifiċi u jintużaw mill-atturi lokali sabiex jitqabblu l-provvista u d-domanda tal-eċċessi tal-ikel u sabiex il-loġistika tiġi organizzata b'mod aktar effiċjenti;

100.

Jilqa' l-istabbiliment tal-“Ħwienet tal-Merċa Soċjali”, kif ukoll is-sħubijiet pubbliċi u privati ma' organizzazzjonijiet tal-karità, biex isir l-aħjar użu possibbli mill-ikel li jista' jittiekel iżda li ma jistax jinbiegħ;

101.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw appoġġ istituzzjonali u finanzjarju lil supermarkets soċjali, billi huma medjatur ewlieni fid-donazzjoni tal-ikel;

102.

Jinnota li l-operaturi tas-settur tal-ikel li jwettqu trasferimenti b'xejn tal-eċċessi tal-ikel jeħtiġilhom jikkonformaw ma' prattiki operazzjonali sodi sabiex jiggarantixxu s-sikurezza tal-ikel f'termini tal-iġjene u s-saħħa, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 852/2004;

103.

Jenfasizza r-rwol importanti li l-awtoritajiet nazzjonali jista' jkollhom sabiex jgħinu lill-atturi tul il-katina tal-provvista tal-ikel jużaw ikel li jista' jittiekel u l-ikel li wasal biex jiskadi, billi meta jimplimentaw rr-regoli dwar is-sikurezza tal-ikel jieħdu approċċ promozzjonali minflok wieħed punittiv;

104.

Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà u l-effetti tal-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni bbażata fuq is-“Samaritan it-Tajjeb”; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika kif atti leġiżlattivi bħar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u d-Direttiva 85/374/KEE jirregolaw ir-responsabbiltà fid-donazzjoni tal-ikel;

105.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi bidla fid-Direttiva tal-VAT li tawtorizza espliċitament l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq id-donazzjonijiet tal-ikel; jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u jistabbilixxu rata tal-VAT li tkun qrib iż-żero jekk donazzjoni tal-ikel issir qrib id-data ta' skadenza rakkomandata jew jekk l-ikel ma jkunx jista' jerġa' jinbiegħ;

106.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkumplimenta r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (30), b'att ta' implimentazzjoni li jippromwovi l-użu tal-FEAD biex jiġu ffaċilitati d-donazzjonijiet tal-ikel billi jiffinanzja l-ispejjeż tal-ġbir, it-trasport, il-ħżin u d-distribuzzjoni u li jirregola l-użu ta' stokkijiet ta' intervent skont il-PAK; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex jappoġġjaw l-istabbiliment ta' infrastruttura ta' donazzjoni tal-ikel fir-reġjuni u ż-żoni fejn din hija ineżistenti, inadegwata jew f'ammonti mhux suffiċjenti;

107.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ma jiddevjawx ir-riżorsi tal-FEAD li preċedentment kienu twarrbu għall-banek tal-ikel u għall-organizzazzjonijiet tal-karità lejn gruppi ta' mira oħrajn;

108.

Jirrimarka li d-donazzjonijiet tal-ikel ma jistgħux jitqiesu bħala miżura ċara biex jissolvew il-problemi ewlenin tal-faqar; jenfasizza, għalhekk, li għandhom jiġu evitati aspettattivi mhux realistiċi f'dan ir-rigward: wieħed ma jistenniex li d-donazzjonijiet tal-ikel jimmitigaw il-problemi soċjali kif ukoll jevitaw il-ħela tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tieħu azzjoni aktar determinata fil-prevenzjoni tal-faqar;

109.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu viġilanti fir-rigward tad-donazzjonijiet u jaċċertaw ruħhom li dawn ma jintużawx biex joħolqu suq alternattiv, billi dan jista' jwassal biex dawk fil-bżonn ma jibbenefikawx mid-donazzjonijiet tal-ikel u jiskoraġġixxi lin-negozji milli jagħtu donazzjonijiet;

110.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, mingħajr ma joħolqu piż mhux neċessarju fuq l-SMEs u l-organizzazzjonijiet volontarji, jimmonitorjaw mill-qrib id-donazzjonijiet tal-ikel sabiex jiżguraw li l-ikel ma jitwarrabx u jinbiegħ fi swieq alternattivi, għaliex dan ma jħallihx jilħaq dawk fil-bżonn u jiskoraġġixxi persuni fil-kummerċ milli jagħmlu donazzjonijiet, minħabba r-riskju li dan iwassal għal kompetizzjoni inġusta;

111.

Jistieden lill-atturi kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel jerfgħu r-responsabbiltà kondiviża tagħhom u jimplimentaw id-Dikjazzjoni Konġunta dwar il-Ħela tal-Ikel “Every Crumb Counts” (Kull Farka Tgħodd) u r-“Retail agreement on waste” (Ftehim ta' bejgħ bl-imnut dwar il-ħela); jirrimarka li s-settur tal-bejgħ bl-imnut jiltaqa' ma' miljuni ta' konsumaturi kuljum, u huwa f'pożizzjoni unika biex jagħti spinta lill-għarfien u jqajjem kuxjenza dwar il-ħela tal-ikel, u b'hekk jiffaċilita għażliet infurmati; jenfasizza li l-prattiki ta' kummerċjalizzazzjoni bħall-“buy one, get one free”(ixtri wieħed u tingħata ieħor b'xejn) iżidu r-riskju li l-konsumaturi jixtru aktar minn kemm jistgħu jużaw; jenfasizza wkoll, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu offruti pakketti ta' daqs iżgħar għal unitajiet domestiċi iżgħar; jilqa' l-fatt li xi bejjiegħa bl-imnut ibigħu oġġetti tal-ikel b'dati “uża sa” qosra bi prezzijiet imnaqqsa iżda jemmen li din il-prattika jenħtieġ li tkun aktar mifruxa;

112.

Itenni li l-ħela tal-bajd għadha waħda mill-kwistjonijiet ewlenin għall-bejjiegħa bl-imnut; jitlob lill-Kummissjoni biex tfittex mezzi sabiex titnaqqas il-ħela tal-bajd filwaqt li titqies il-valutazzjoni xjentifika mill-EFSA, u jitlob lill-Istati Membri jgħarrfu kif xieraq lill-konsumaturi dwar din il-kwistjoni importanti;

113.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-impatt tar-riformi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) u l-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) fuq il-ġenerazzjoni u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel;

114.

Jenfasizza li l-għajxien tal-bdiewa jiddependi mit-twassil fis-suq tal-prodotti taħt kundizzjonijiet ekwi u bi prezzijiet remunerattivi u li t-telf tal-prodotti fil-livell tal-azjenda agrikola, inklużi prodotti mitlufa minħabba avvenimenti klimatiċi estremi jew mhux tas-soltu, prodotti li jġarrbu ħsara f'diżastru naturali jew li jinqerdu minħabba t-telf ta' suq jew minħabba prezzijiet baxxi, jammonta għal telf ta' investiment u ta' introjtu għall-bdiewa; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li l-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq agrikoli taffettwa l-produzzjoni u d-dħul tal-bdiewa u tista' tirriżulta fil-ħela ta' ikel u li, għaldaqstant, biex tiġi indirizzata l-volatilità tal-prezzijiet jeħtieġ li jinbnew għodod xierqa fil-PAK;

115.

Jisħaq fuq il-punt li l-Kummissjoni għadha ma wettqitx studju biex tiddetermina l-impatt tar-riformi differenti fuq il-volum tal-produzzjoni agrikola u l-effett tiegħu fuq il-ħela tal-ikel, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-kwistjoni tal-ħela tal-ikel fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki futuri tal-PAK;

116.

Jenfasizza li l-ħela tal-ikel fl-istadju tal-produzzjoni tista' tirriżulta wkoll mid-deterjorament tal-bażi ta' produzzjoni agrikola tagħna li tirriżulta mid-degradazzjoni tal-art, il-bijodiversità (dakkir imnaqqas) u r-riżorsi naturali ta' kull tip, u li jeħtieġ li jitqies b'mod xieraq dan fl-iżvilupp futur tal-agrikoltura u l-PAK;

117.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) sabiex inaqqsu l-ħela tal-ikel mill-ħut skartat u jitjiebu r-rati ta' sopravivenza tal-organiżmi mkabbra fl-akkwakultura;

118.

Jittama li l-obbligu ta' ħatt l-art fil-PKS, li bħalissa qed jiġi implimentat b'mod gradwali, se jwassal għal aktar rkaptu u prattiki tas-sajd selettivi u biex fl-aħħar mill-aħħar jintrema anqas ħut fil-baħar; jinnota, madankollu, li l-obbligu ta' ħatt l-art ma japplikax għall-ħut kollu u għalhekk jinħtieġu aktar miżuri;

119.

Huwa mħasseb dwar il-livell tal-ħela ta' ħut wara li jinqabad, minħabba n-natura tiegħu li jitħassar malajr u l-vjaġġi ta' spiss estermi li l-ħut jagħmel għall-ipproċessar, fejn spiss jivvjaġġa mill-Ewropa għall-Asja u lura għall-Ewropa għall-bejgħ finali;

120.

Itenni l-importanza tal-kunċett “impronta fuq l-ilma” għall-ikel u l-għalf;

121.

Jirrimarka li r-Regolament (KE) Nru 178/2002 fost l-ikel jinkludi wkoll l-ilma “intenzjonalment inkorporat fl-ikel matul il-manifattura tiegħu, tħejjija jew trattament” u li l-ilma huwa riżorsa strateġika ewlenija għall-industrija agroalimentari kollha;

122.

Jisħaq fuq il-punt li l-ħela tal-ikel, skont il-kwalità, it-tip u l-kwantità ta' ilma użat għall-produzzjoni tal-ikel, tinvolvi wkoll ħela sostanzjali ta' ilma;

123.

Josserva l-importanza li jittejjeb l-immaniġġjar tal-ilma relatat mal-agrikoltura, l-iżvilupp ta' sistemi ta' produzzjoni tal-ikel “intelliġenti fl-użu tal-ilma” u żieda f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà u s-sikurezza tal-ikel u l-ikel f'żoni li huma l-aktar f'riskju minħabba t-tibdil fil-klima;

124.

Jenfasizza li soluzzjonijiet innovattivi u li jħarsu l-ambjent f'oqsma bħall-immaniġġjar ta' prodotti derivati u prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-ikel, il-kummerċ fl-ikel, il-ħażna tal-ikel, iż-żmien kemm jista' jinħażen, it-teknoloġiji diġitali u l-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, jistgħu joffru potenzjal sinifikanti għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lil partijiet ikkonċernati oħrajn jappoġġjaw ir-riċerka f'dawn l-oqsma u jippromwovu soluzzjonijiet sostenibbli u effikaċi; jemmen li s-servizzi tal-ekonomija kollaborattiva huma importanti biex jagħtu spinta lis-sensibilizzazzjoni u jippromwovu l-konsum sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tmexxi 'l quddiem l-innovazzjoni permezz ta' proġetti u programmi ta' riċerka ffinanzjati mill-baġit tal-UE, bħas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni;

125.

Jenfasizza r-responsabilità tal-atturi kollha fil-katina tal-provvista, inklużi l-produtturi ta' sistemi tal-imballaġġ, fil-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel; jenfasizza l-kontribut pożittiv ta' materjali u soluzzjonijiet tal-imballaġġ tal-ikel għall-prevenzjoni tat-telf tal-ikel u tal-ħela tal-ikel tul il-katina tal-provvista, pereżempju imballaġġ li jnaqqas it-telf tal-ikel fit-trasport, fil-ħżin u fid-distribuzzjoni, u li jippreserva l-kwalità u l-iġjene tal-ikel għal aktar żmien, jew li jtawwal iż-żmien kemm jista' jinħażen; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li l-imballaġġ ikun adatt għall-iskop tiegħu (jiġifieri l-ebda imballaġġ żejjed jew nieqes) u jkun adattat għall-ħtiġijiet tal-prodott u tal-konsumaturi, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi kkunsidrata l-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja fuq il-prodott ippakkjat kollu kemm hu, inkluż id-disinn u l-użu tal-imballaġġ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw il-benefiċċji tal-imballaġġ tal-ikel, b'bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli, billi jitqies l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem u s-sikurezza tal-ikel u billi jittieħed approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja; jenfasizza li l-objettivi tat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel għandhom ikunu konsistenti mal-miżuri u l-għanijiet tad-Direttiva 94/62/KE, b'mod partikolari l-objettiv ta' tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-imballaġġ mhux riċiklabbli u tal-imballaġġ eċċessiv;

126.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp u l-użu ta' materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel attivi u intelliġenti u soluzzjonijiet innovattivi oħrajn li jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-effiċjenza fir-riżorsi u għall-ekonomija ċirkolari; jirrimarka li l-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel jenħtieġ li tiżgura livell massimu ta' protezzjoni tal-konsumatur għall-materjal tal-imballaġġ kollu, inkluż il-materjal importat minn pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tippreżenta regoli armonizzati tal-UE għall-materjal li jiġi f'kuntatt mal-ikel u tagħti prijorità lit-tfassil ta' miżuri speċifiċi tal-UE għall-materjali bħall-karta u l-kartun f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 (31) dwar Materjali li jiġu f'Kuntatt mal-Ikel;

127.

Jirrakkomanda l-promozzjoni tal-użu ta' kodiċijiet volontarji ta' prattika tajba fin-negozju żviluppati minn organizzazzjonijiet settorjali fis-setturi tal-ikel, tal-catering u tal-lukandi bil-għan li jsir użu ottimali tal-prodotti u tiġi promossa d-donazzjoni lil skemi mmirati biex jiġbru l-ikel żejjed għal skopijiet soċjali;

128.

Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-konklużjoni tal-ftehimiet jew il-memoranda ta' qbil biex jippromwovu mġiba responsabbli u prattiki tajba mfassla sabiex titnaqqas il-ħela tal-ikel, inkluż it-tagħmir ta' operaturi tal-forniment tal-ikel b'kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw, magħmula minn materjal li jista' jiġi riċiklat, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu d-dar il-fdalijiet tal-ikel tagħhom;

129.

Jirrakkomanda li, fejn xieraq, il-prodotti lokali u reġjonali u l-prodotti staġjonali jintużaw fil-catering u fis-settur tal-ospitalità biex titqassar il-katina tal-produzzjoni u l-konsum, biex b'hekk sabiex jitnaqqas l-għadd ta' stadji tal-ipproċessar u b'hekk l-iskart iġġenerat matul id-diversi fażijiet;

130.

Jenfasizza l-fatt li l-iżviluppi fis-settur diġitali joffru ħafna opportunitajiet għall-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-ħela tal-ikel, b'mod partikolari l-ħolqien ta' pjattaformi ta' “salvataġġ tal-ikel”, li jippermettu li s-settur tal-catering joffri platti tal-ikel mhux mibjugħa bi prezzijiet imnaqqsa; jenfasizza l-fatt li esperimenti bħal dawn taw riżultati sinifikanti fl-Istati Membri fejn ġew żviluppati;

131.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-kontribut ta' inizjattivi soċjalment responsabbli, bħall-“Healthy Nutritional Standard” (Standard Nutrizzjonali b'Saħħtu), li l-objettiv tiegħu huwa li jipprovdi informazzjoni aħjar dwar l-ikel lil gruppi differenti ta' konsumaturi bi ħtiġijiet jew preferenzi tal-ikel speċjali permezz ta' tikkettar tal-ikel volontarju u koregolat f'ristoranti u fit-turiżmu sabiex titnaqqas il-ħela tal-ikel f'dak il-qasam;

132.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu f'kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jgħinuhom itejbu l-infrastruttura tal-katina tal-ikel tagħhom u jnaqqsu l-livelli tal-ħela tal-ikel tagħhom;

133.

Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni Ewropea jinkludu r-rekwiżit li s-sejħa għall-offerti relatati mal-catering ikunu akkumpanjati bi pjanijiet ta' ġestjoni u tnaqqis tal-iskart tal-ikel; jitlob lill-kwesturi jagħtu prijorità lill-azzjonijiet sabiex titnaqqas il-ħela tal-ikel fil-Parlament Ewropew u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn biex isegwu dan; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jnaqqsu l-ħela tal-ikel fl-istabbilimenti pubbliċi;

134.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0266.

(2)  ĠU C 227 E, 6.8.2013, p. 25.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2016)0250.

(4)  ĠU C 17, 18.1.2017, p. 28.

(5)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 46.

(6)  FAO, “Food wastage footprint. Impacts on natural resources” (L-Impronta tal-Ħela tal-ikel. L-Impatti fuq ir-riżorsi naturali); Ruma, 2013.

(7)  FAO, 2015. Food wastage footprint and climate change (L-impronta tal-ħela tal-ikel u t-tibdil fil-klima).

(8)  https://www.wfp.org/hunger/stats.

(9)  The State of Food Insecurity in the World (Il-qagħda tal-Insigurtà Alimentari fid-Dinja) 2015, FAO, NU.

(10)  Development Goals in an Era of Demographic Change (Għanijiet ta' Żvilupp fi Żmien ta' Tibdil Demografiku), Rapport ta' Monitoraġġ Globali 2015/2016, Bank Dinji.

(11)  http://www.un.org/en/development/desa/news/population/2015-report.html

(12)  FUSIONS, Estimates of European food waste levels (Estimi tal-livelli tal-ħela tal-ikel fl-Ewropa), Marzu 2016.

(13)  Eurostat, “People at risk of poverty or social exclusion” (Persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali).

(14)  FUSIONS, Estimates of European food waste levels (Estimi tal-livelli tal-ħela tal-ikel fl-Ewropa), Marzu 2016.

(15)  WRAP, 2015. Household Food Waste in the UK (Il-Ħela tal-Ikel mill-Familji fir-Renju Unit), 2015.

(16)  FAO (2011) “Global food losses and food waste” (It-telf u l-ħela tal-ikel fuq livell globali).

(17)  Rapport Speċjali Nru 34/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: Il-Ġlieda kontra l-Ħela tal-Ikel: opportunità għall-UE sabiex ittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi tal-katina tal-provvista tal-ikel", p. 14.

(18)  L-Istandard tar-Rapportar u l-Kontabbiltà tat-Telf u l-Ħela tal-Ikel, 2016.

(19)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(20)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

(21)  Flash Eurobarometer 425, “Food waste and date marking” (Il-ħela tal-ikel u l-marki tad-data), Settembru 2015.

(22)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(23)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1); Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55). Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206).

(24)  “Comparative Study on EU Member States' legislation and practices on food donation” (Studju Komparattiv dwar il-leġiżlazzjoni u l-prattiki tal-Istati Membri tal-UE dwar id-donazzjoni tal-ikel) (2014), ikkummissjonat mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

(25)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(26)  Tweġiba konġunta għal żewġ mistoqsijiet parlamentari (E-003730/13, E-002939/13), 7 ta' Mejju 2013.

(27)  “Comparative Study on EU Member States' legislation and practices on food donation” (Studju Komparattiv dwar il-leġiżlazzjoni u l-prattiki tal-Istati Membri tal-UE dwar id-donazzjoni tal-ikel) (2014), ikkummissjonat mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

(28)  Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, “Executive summary of the impact assessment, impact assessment on measures addressing food waste to complete SWD(2014)0207 regarding the review of EU waste management targets” (Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt, il-valutazzjoni tal-impatt dwar il-miżuri li jindirizzaw il-ħela tal-ikel biex jiġi kompletat SWD (2014)0207 dwar ir-reviżjoni tal-miri tal-immaniġġjar tal-iskart tal-UE (SWD(2014)0289, 23.9.2014).

(29)  Anness tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2015)0614.

(30)  ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1.

(31)  Testi adottati, P8_TA(2016)0384.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/44


P8_TA(2017)0208

L-evalwazzjoni tal-aspetti esterni tal-prestazzjoni u l-ġestjoni doganali bħala għodda biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ u jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-evalwazzjoni tal-aspetti esterni tal-prestazzjoni u l-ġestjoni doganali bħala għodda biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ u jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu (2016/2075(INI))

(2018/C 307/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu “Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment” (COM(2015)0497),

wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku tad-DĠ TAXUD 2016-2020 u l-Pjan ta' Ġestjoni tad-DĠ TAXUD 2016 tal-14 ta' Marzu 2016 (Ares(2016) 1266241),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Awwissu 2014 bit-titolu “L-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali: L-indirizzar ta' riskji, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-iffaċilitar tal-kummerċ” (COM(2014)0527),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-19 ta' Lulju 2016 bit-titolu “Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskju doganali” (COM(2016)0476),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (TAXUD/B2/047/2011),

wara li kkunsidra l-proġett pilota li joħloq Rotot Kummerċjali Intelliġenti u Siguri bejn l-UE u ċ-Ċina,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni Doganali tal-UE għall-ġlieda kontra l-Ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali għas-snin 2013 sal-2017 (1),

wara li kkunsidra r-rapport tad-DĠ TAXUD dwar l-infurzar doganali tal-UE tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għall-2015,

wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Doganali bejn l-UE u ċ-Ċina,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-kooperazzjoni doganali bejn l-UE u ċ-Ċina fir-rigward tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (2014-2017),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2014 bit-titolu “Il-Pjan ta' Azzjoni għall-monitoraġġ tat-tħaddim ta' arranġamenti ta' kummerċ preferenzjali” (COM(2014)0105),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2016 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu” (COM(2016)0050),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016 bit-titolu “Żvilupp u tal-Unjoni Doganali tal-UE u l-Governanza tagħha” (COM(2016)0813),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar strateġija għall-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f'pajjiżi terzi (2),

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 23/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: “It-trasport marittimu fl-UE: f'baħar ta' inkwiet – sar ħafna investiment li la huwa effettiv u lanqas sostenibbli”,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Marrakexx li stabbilixxa l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ,

wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD tat-18 ta' April 2016 dwar il-kummerċ illeċitu u l-konverġenza tan-netwerks kriminali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 207, 208 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (3), u l-Att Delegat (Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (4)), l-Att ta' Implimentazzjoni (Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 (5)), Att Delegat Tranżitorju (Regolament Delegat (UE) 2016/341 (6)), u l-Programm ta' Ħidma (Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/578 (7)) relatati tiegħu,

wara li kkunsidra d-dritt r-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (8),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2013 dwar il-qafas ġuridiku tal-Unjoni għal ksur doganali u sanzjonijiet (COM(2013)0884), u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur dwar il-proposta (9),

wara li kkunsidra l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (10),

wara li kkunsidra l-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp kif iddikjarat fit-TFUE,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar l-indirizzar tal-isfidi tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (11),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0162/2017),

A.

billi l-Unjoni Doganali hija pilastru bażiku tal-Unjoni Ewropa, u dan jagħmilha wieħed mill-akbar blokok kummerċjali fid-dinja, u billi Unjoni Doganali kompletament funzjonanti hija essenzjali għall-kredibbiltà li għandha bżonn l-UE biex tiggarantixxi l-qawwa tagħha fin-negozjar tal-ftehimiet kummerċjali;

B.

billi l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) hija essenzjali għas-salvagwardja tar-riżorsi proprji tal-UE, b'mod speċjali d-dazji doganali u l-interessi fiskali nazzjonali;

C.

billi Unjoni Doganali kompletament funzjonanti hija l-bażi għal ġlieda effikaċi kontra l-flussi finanzjarji illeċiti u l-ħasil tal-flus ibbażat fuq il-kummerċ;

D.

billi hemm ir-riskju li l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, imnedija fl-1 ta' Mejju 2016, tiġi mdewma minħabba n-nuqqas ta' finanzjament xieraq għal sistemi informatiċi komuni u funzjonanti sal-31 ta' Diċembru 2020;

E.

billi r-rapport dwar il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija u tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskju doganali jirrileva l-fatt li l-insuffiċjenza tal-finanzjamenti għall-aġġornament tas-sistemi informatiċi eżistenti u għall-iżvilupp tas-sistemi l-ġodda neċessarji hija problema sinifikanti li xxekkel il-progress, b'riferiment partikolari għas-Sistema ta' Kontroll tal-Importazzjoni l-ġdida; billi, fl-assenza ta' riżorsi addizzjonali, għadd ta' azzjonijiet mhumiex se jkunu jistgħu jiġu implimentati sa tmiem l-2020, kif previst mill-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni; billi dewmien jaf ukoll jolqot l-implimentazzjoni tal-impenji għall-aspetti relatati mad-dwana fil-kuntest tal-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà;

F.

billi l-frammentazzjoni attwali tal-politiki ta' kontroll doganali bejn l-Istati Membri ma tridx twassal għal sitwazzjoni li tirriżulta f'piżijiet ulterjuri fil-livell amministrattiv u tal-ħin jew f'distorsjoni tal-flussi kummerċjali interni;

G.

billi l-proposta għal direttiva dwar qafas ġuridiku tal-Unjoni għal ksur doganali u sanzjonijiet ma tagħmilx distinzjoni ċara bejn is-sanzjonijiet kriminali u dawk amministrattivi fi ħdan l-Istati Membri b'rispett sħiħ tas-sussidjarjetà; billi dan jaf jinkoraġġixxi lill-operaturi ekonomiċi frawdolenti biex jagħmlu għażliet strateġiċi meta jkunu qed jimportaw minn pajjiżi terzi, b'mod li jikkawżaw distorsjonijiet fil-ġbir tat-taxxa u impatt negattiv fuq l-ambjent, u għaldaqstant is-sanzjonijiet qed juru li mhumiex deterrent effikaċi għall-attivitajiet kummerċjali illegali;

H.

billi r-regoli u tal-proċeduri doganali kumplessi u l-kriterji u s-sanzjonijiet differenti applikati mill-awtoritajiet jistgħu jitfgħu piż żejjed fuq l-impriżi ta' daqs żgħir u medju, u jeżerċitaw pressjoni notevoli fuq ir-riżorsi limitati tagħhom u jaffetwaw il-perkors kummerċjali tagħhom;

I.

billi kooperazzjoni doganali effikaċi bejn l-amministrazzjonijiet doganali, l-operaturi ekonomiċi awtorizzati, il-forzi tal-pulizija, l-awtoritajiet ġudizzjarji, kif ukoll l-atturi rilevanti l-oħra tal-Istati Membri ma' pajjiżi terzi u f'livell multilaterali tiżvolġi rwol essenzjali, fid-dawl tal-volumi notevoli ta' kummerċ, u tirrappreżenta pedament fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus, it-traffikar ta' speċijiet selvaġġi, l-evażjoni tat-taxxa, it-traffikar tad-droga u tat-tabakk, u l-mediċini falsifikati, kif ukoll fil-ħarsien tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fl-UE, l-implimentazzjoni u r-rispett tal-proċeduri ta' diliġenza dovuta għall-prodotti fil-katina tal-valur globali, hekk kif inhu indikat fl-istrateġija tal-Kummissjoni “Kummerċ għal Kulħadd”, u l-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni eventwali tal-interkonnessjonijiet bejn l-atturi frawdolenti involuti f'attivitajiet kummerċjali illeċiti fil-katina tal-provvista internazzjonali;

J.

billi l-UE kkonkludiet ftehimiet ta' kooperazzjoni doganali u ta' assistenza amministrattiva reċiproka mal-Korea t'Isfel, mal-Kanada, mal-Istati Uniti, mal-Indja, maċ-Ċina u mal-Ġappun;

K.

billi l-biċċa l-kbira tal-prodotti illegali jew kontrafatti li jidħlu fl-Unjoni qed tiġi pprovduta minn ċerti sħab kummerċjali; billi l-esportazzjonijiet mill-Malasja jirrappreżentaw biss valur ta' madwar EUR 2,5 miljun, filwaqt li dawk miċ-Ċina u minn Hong Kong għandhom valur ta' 'l fuq minn EUR 300 miljun u EUR 100 miljun rispettivament; billi, fl-2015, il-Belarussja waħedha kkawżat telf fiskali ta' EUR 1 biljun lill-UE, peress li kienet qed tesporta prodotti li jevitaw kompletament ir-regoli dwar il-VAT, kif ukoll ir-regolamenti dwar is-saħħa;

L.

billi, skont l-aktar rapport reċenti tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali min-naħa tal-awtoritajiet doganali tal-UE, il-volum tal-prodotti kontrafatti kkonfiskati minn dawn l-awtoritajiet żdied b'15 % bejn l-2014 u l-2015, billi, minħabba s-suspett ta' ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, ġew ikkonfiskati aktar minn 40 miljun prodott, li laħqu valur totali ta' kważi EUR 650 miljun, fil-fruntieri esterni tal-Unjoni;

M.

billi ż-żoni internazzjonali ta' kummerċ ħieles, flimkien ma' dawk il-pajjiżi terzi li jkunu l-aktar għejun frekwenti ta' kummerċ illeċitu, potenzjalment jirrappreżentaw kuntesti fejn tista' tkompli l-proliferazzjoni tal-kummerċ ta' prodotti illegali fl-UE, u dan iwassal għal kontrolli aktar rigorużi mal-fruntieri, u għaldaqstant x'aktarx li se jirrikjedu analiżi ulterjuri speċifika;

N.

billi l-kummerċ fil-prodotti kontrafatti jista' jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-organizzazzjonijiet kriminali attivi fit-terroriżmu, fit-traffikar tad-droga, fl-armi tan-nar, fil-ħasil tal-flus u fit-traffikar tal-bnedmin;

O.

billi l-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni hija essenzjali biex jitħarsu d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fl-Ewropa, jiġi salvagwardjat l-għarfien espert u titħeġġeġ l-innovazzjoni;

P.

billi r-rwol li tiżvolġi d-dwana fil-qasam tas-sigurtà huwa partikolarment rilevanti biex l-organizzazzjonijiet terroristiċi jitwaqqfu milli jċaqalqu l-fondi tagħhom u biex jinqatgħu l-għejun ta' dħul finanzjarju tagħhom, kif inhu rikonoxxut fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

Q.

billi, fil-kuntest tal-ambjent kummerċjali globali, is-servizzi doganali jiżvolġu rwol importanti fl-affrontar tal-ħsara li ssir minn kummerċ illeċitu lill-ekonomija formali filwaqt li jgħinu wkoll biex dan l-istess kummerċ illeċitu jiġi miftiehem u miġġieled aħjar;

R.

billi n-netwerks ta' attivitajiet illeċiti jkollhom impatt negattiv fuq l-ekonomija tal-Istati Membri f'termini ta' tkabbir, impjiegi, investiment barrani, integrità tas-swieq, kompetizzjoni, kummerċ u telf ta' introjtu doganali, u billi dan l-aħħar telf finalment jiġġarrab mill-kontribwent Ewropew;

S.

billi l-kummerċ illeċitu huwa ta' tħassib ewlieni għall-impriżi u jirrappreżenta theddida sinifikanti b'riskji dejjem jikbru fil-livell globali, f'termini tat-trasparenza, l-integrità u l-valur finanzjarju, b'mod li jirrifletti l-użu tal-iskemi ta' kummerċ u l-ktajjen ta' provvista fil-livell globali;

T.

billi l-kontrafazzjoni, il-kummerċ illegali tal-armi, u t-traffikar tad-droga jiġġeneraw somom kbar għall-kriminalità organizzata transnazzjonali permezz ta' kanali ekonomiċi u kummerċjali illeċiti;

U.

billi l-ammont dejjem jiżdied ta' każijiet ta' kuntrabandu, traffikar u forom oħra ta' kummerċ illegali u illeċitu, mhux biss qed ikollu impatt fuq il-ġbir tad-dazji doganali mill-Istati Membri u fuq il-baġit tal-UE, iżda huwa wkoll assoċjat b'mod qawwi mal-kriminalità organizzata internazzjonali, mat-theddid għall-konsumatur u ma' effetti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq uniku, li jimminaw l-ekwità tal-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji kollha involuti, b'mod partikolari l-impriżi ta' daqs żgħir u medju;

V.

billi l-ħarsien tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali hija kruċjali kemm għall-protezzjoni u għat-trawwim tal-ekonomija tal-UE, kif ukoll għat-tkabbir u għall-impjiegi;

1.

Jappella lill-Kummissjoni biex taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżgura implimentazzjoni koordinata, uniformi u effiċjenti tas-sistema l-ġdida stabbilita mill-KDU, filwaqt li tiskoraġġixxi lill-prattiki diverġenti fost l-Istati Membri wara l-perjodu ta' tranżizzjoni permezz ta' linja gwida bażika komuni għad-dwani Ewropej kollha; jappella lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tfassal analiżi komparattiva u informazzjoni dwar l-operazzjonijiet doganali u l-proċeduri ta' infurzar fl-Istati Membri;

2.

Jirrileva li ma teżisti l-ebda sistema għall-identifikazzjoni u għall-monitoraġġ tad-differenzi fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi min-naħa tal-awtoritajiet doganali; jappella lill-Kummissjoni biex tirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni speċifika dwar it-tip u n-numru tal-kontrolli doganali fil-livell tal-portijiet prinċipali individwali;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati rilevanti ta' natura kummerċjali biex issolvi l-lakuni li jeżistu fis-sistemi ta' kontroll, tiżviluppa semplifikazzjonijiet doganali ulterjuri u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għal min ikun qed jopera legalment fis-settur kummerċjali, filwaqt li tiffoka fuq l-objettiv ta' kummerċ aktar sempliċi u aktar sigur u, fl-istess ħin, tiżgura kontrolli adegwati, effikaċi, effiċjenti u armonizzati fil-fruntieri tal-UE, kif ukoll is-sostenn neċessarju lill-awtoritajiet rilevanti; jindika li kontrolli doganali effikaċi jridu jiggarantixxu lill-UE s-sigurtà, is-sikurezza tal-konsumaturi, ir-rispett tal-obbligi fil-qasam ambjentali u tar-regolamenti fil-qasam tas-saħħa u l-ħarsien tal-interessi ekonomiċi, b'attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu, it-terroriżmu, il-ħasil tal-flus, it-traffikar ta' speċijiet selvaġġi, l-evażjoni tat-taxxa, it-traffikar tad-droga u tat-tabakk u l-mediċini falsifikati, kif ukoll għall-ġlieda kontra kull forma ta' kompetizzjoni inġusta li jafu jħabbtu wiċċhom magħha l-impriżi Ewropej li jirrispettaw l-istandards tal-UE;

4.

Jenfasizza l-importanza li titlesta l-ħidma ta' armonizzazzjoni tal-kontrolli fil-punti kollha ta' dħul fl-Unjoni Doganali, b'mod partikolari fuq il-bażi tal-istrumenti eżistenti;

5.

Jappella lill-Kummissjoni biex tipprova tikseb livell ogħla ta' kollaborazzjoni mas-settur privat fl-identifikazzjoni tal-operaturi frawdolenti; jisħaq fuq l-importanza li l-partijiet interessati privati jiġu involuti fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali, inkluż dak li jinvolvi l-ispeċijiet selvaġġi u l-prodotti tagħhom;

6.

Ifakkar li l-opportunità li joffri l-KDU u r-regoli relatati dwar is-sistemi informatiċi interkonnessi u l-iskambji elettroniċi jmissha tintuża biex ikun hemm aċċess għad-data dwar il-kummerċ affidabbli u legali u biex din titqiegħed għad-dispożizzjoni permezz ta' kanali apparti d-dikjarazzjonijiet doganali, pereżempju permezz ta' programmi internazzjonali ta' skambju reċiproku, bħall-programm rigward l-operaturi ekonomiċi awtorizzati jew il-proġett “Rotot Kummerċjali Intelliġenti u Siguri”, bl-għan li jiġu ffaċilitati l-iskambji;

7.

Ifakkar li l-iżvilupp tas-sistemi informatiċi rikjesti għandu bżonn finanzjament biżżejjed u jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw id-disponibbiltà tar-riżorsi għas-sistemi informatiċi meħtieġa b'mod li jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskji doganali;

8.

Jappella lill-Kummissjoni biex tinsisti fuq użu aktar mifrux tal-programm rigward l-operaturi ekonomiċi awtorizzati; jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni tal-vantaġġi tiegħu għall-kummerċ, filwaqt li jinżammu regoli ta' konformità stretti u jiġu ppreżervati l-qawwa, l-affidabbiltà u l-konformità tiegħu mar-regoli doganali tal-pajjiżi terzi fl-ambitu tan-negozjati dwar ftehimiet kummerċjali;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni tikkoordina u tikkoopera mad-dwani, mal-awtoritajiet tal-fruntieri fuq il-post u mal-partijiet interessati fi ħdan l-UE, kif ukoll mas-sħab kummerċjali tagħha, fir-rigward tal-kondiviżjoni tad-data u b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mar-rikonoxximent tal-kontrolli doganali, is-sħab kummerċjali fdati u l-istrateġiji ta' mitigazzjoni għaż-żarmar tan-netwerks tal-kummerċ illeċitu; jappella lill-Kummissjoni biex ittejjeb u tintensifika l-kooperazzjoni fost id-diversi direttorati ġenerali tagħha fir-rigward tal-kwistjonijiet doganali, u tippromwovi, meta jkun hemm bżonn, koordinament aħjar fost l-awtoritajiet doganali u dawk għall-infurzar tal-liġiijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-kriminalità organizzata, tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta komunikazzjoni dwar “L-aħjar prassi fl-ambitu tal-kontrolli doganali u l-infurzar tar-regoli kummerċjali” fil-perjodu interim, bl-iskop li tipprovdi qafas ta' riferiment lill-korpi ta' kontroll kompetenti fl-Istati Membri, tirrileva l-aħjar prattiki u riżultati, tistabbilixxi ġabra ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, u tanalizza l-flussi kummerċjali tal-prodotti kontrafatti fil-punti ta' qsim tal-fruntieri;

11.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskju doganali, b'mod partikolari fl-oqsma tad-disponibbiltà tad-data, l-aċċess għall-informazzjoni u l-iskambju tagħha għal finijiet ta' mmaniġġjar tar-riskju doganali, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet;

12.

Jappella lill-Kummissjoni biex tirrapporta perjodikament lill-kumitati responsabbli tal-Parlament Ewropew dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskji doganali;

13.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga l-prattiki differenti għall-kontrolli doganali fl-UE u l-impatt tagħhom fuq id-devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali, filwaqt li tiffoka b'mod partikolari fuq id-dwana tal-UE fil-frunteri esterni;

14.

Josserva li d-differenzi proċedurali attwali fid-dwani, b'mod partikolari rigward l-iżdoganar, l-ispezzjonijiet, is-sanzjonijiet u l-kontrolli, qed joħolqu frammentazzjoni, piżijiet amministrattivi addizzjonali, dewmien, varjazzjonijiet fil-ġbir tat-taxxa bejn l-Istati Membri, distorsjoni tas-suq u impatt negattiv fuq l-ambjent; jisħaq li dawn id-differenzi proċedurali fid-dwani spiss jistgħu jiffavorixxu l-aċċess għal ċerti portijiet b'detriment għal oħrajn b'operaturi illeġittimi li jimportaw prodotti kontrafatti jew sottovalutati, bir-riżultati li l-prodotti jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom permezz ta' rotta inabitwali u l-iżdoganar jintalab fi Stat Membru differenti minn dak li importa l-prodotti, bil-għan li tonqos il-probabbiltà li jiġu suġġetti għall-kontrolli jew li kwalunkwe proċedura ta' rkupru potenzjali ssir ikkumplikata; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tanalizza din il-problema tal-għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni (“forum shopping”) u l-impatt tagħha fuq il-kummerċ, id-dħul mit-taxxi, l-effetti klimatiċi u d-dazji doganali;

15.

Ifakkar lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fl-importanza li jiżguraw li jkollhom biżżejjed riżorsi disponibbli puntwalment għas-sistemi informatiċi neċessarji sabiex jilħqu l-objettivi tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskju doganali, filwaqt li jiżguraw l-interoperabbiltà tas-sistemi għall-ġid tal-awtoritajiet doganali, tal-kummerċjanti li joperaw legalment u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-konsumaturi, kif ukoll jippromwovu l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku fl-UE;

16.

Jinsisti fuq il-bżonn li jsir progress mill-kuntest doganali attwali li juża anqas karti, għal kuntest li ma jagħmel l-ebda użu mill-karti;

17.

Jitlob lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, mal-OECD u mal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) biex inaqqsu l-lakuni attwali fis-sistemi ta' kontroll doganali, billi jiżguraw li l-kummerċ illeċitu, il-kontrafazzjoni u l-frodi jiġu miġġielda permezz ta' kontrolli bbażati fuq ir-riskju u jiġu kkoordinati b'mod aktar sistematiku, abbażi ta' kriterji armonizzati għall-ispezzjonijiet, tal-aħjar prassi u ta' proċeduri u metodi ta' ħidma komuni, f'termini ta' sigħat operattivi, riżorsi ekonomiċi u umani u sistemi informatiċi interoperabbli, b'awtoritajiet kompetenti oħrajn jipprovdu sostenn puntwali u adegwat; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza li jiġi żgurat li l-aġenziji doganali u tal-fruntiera kollha tal-UE, u li jiġi garantit taħriġ xieraq lill-operaturi tagħhom;

18.

Jappella lill-awtoritajiet doganali fl-Istati Membri biex jużaw l-istrumenti elettroniċi għall-kondiviżjoni tad-data b'mod proattiv sabiex jikkooperaw mal-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi fl-identifikazzjoni tal-anomaliji marbutin mat-tbagħbis fil-prezzijiet biex jinbidel il-valur kummerċjali, u b'hekk jiġġieldu l-flussi finanzjarji illeċiti u l-ħasil tal-flus ibbażat fuq il-kummerċ;

19.

Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-implimentazzjoni progressiva tal-KDU ġġib valur addizzjonali għall-operaturi ekonomiċi, billi tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni fl-Unjoni kollha, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li s-semplifikazzjoni miżjuda tal-proċeduri doganali ma toħloqx lakuni fis-sistemi ta' mmaniġġjar u ta' kontroll tar-riskju doganali li jistgħu jxekklu l-ġlieda effikaċi kontra l-kummerċ illeċitu; iqis li huwa essenzjali li tiġi armonizzata l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tad-dwana u jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwettqu monitoraġġ regolari tar-regoli tal-UE u tal-applikazzjoni uniformi tagħhom min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti, b'mod li jiffaċilitaw il-kummerċ internazzjonali u jrażżnu l-attivitajiet transnazzjonali illegali;

20.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem mal-Istati Membri fuq il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-proċeduri doganali u l-VAT, tikkoopera mad-diversi awtoritajiet kompetenti u, fejn xieraq, tallinja l-politiki fir-rigward tad-dwana u tal-VAT, bil-għan li tiżgura s-sinerġiji, anke biex jinstabu u jiġu applikati soluzzjonijiet ġuridiċi u prattiċi għall-isfidi u għall-opportunitajiet relatati ma' konsenji żgħar, mal-kummerċ elettroniku u mas-semplifikazzjoni;

21.

Jappella lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tal-Artikolu 23 tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO li jappella għall-ħolqien ta' organu ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ, tikkunsidra li tittrasferixxi l-kompetenzi tal-awtoritajiet doganali mil-livell nazzjonali għal-livell tal-UE b'mod li tiżgura trattament armonizzat fil-punti ta' dħul fl-UE kollha, tissorvelja l-prestazzjoni u l-attivitajiet tal-amministrazzjonijiet tad-dwana, kif ukoll tiġbor u tipproċessa d-data doganali;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżviluppa b'mod aħjar analiżi akkurata tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tal-implikazzjonijiet tal-armonizzazzjoni tal-infurzar tas-sanzjonijiet kriminali fis-seħħ fl-Istati Membri biex jiġu miġġielda l-attivitajiet kummerċjali illeċiti u, jekk ikun hemm bżonn, tippreżenta proposta li jkun fiha regoli armonizzati, dejjem fir-rispett tas-sussidjarjetà, fir-rigward tad-definizzjoni ta' tali sanzjonijiet u reati fil-każijiet ta' kriminalità transnazzjonali;

23.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu aktar biex jiżviluppaw u jsostnu il-possibbiltajiet ta' taħriġ konġunt għall-uffiċjali tad-dwana fl-Istati Membri; jenfasizza li l-armonizzazzjoni tat-taħriġ għall-uffiċjali tad-dwana fl-Ewropa se tikkontribwixxi għal implimentazzjoni effikaċi tal-KDU;

24.

Jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-partijiet interessati ta' natura kummerċjali u mar-rappreżentanti kummerċjali fil-livell internazzjonali, biex tindirizza l-isfidi kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-KDU, fosthom id-differenzi u d-diverġenzi bejn ir-regoli nazzjonali, il-metodi u l-mezzi ta' rapportar, kif ukoll it-tħassib tal-impriżi ta' daqs żgħir u medju involuti fil-kummerċ ma' pajjiżi terzi;

25.

Ifakkar li ċerti azjendi frawdolenti b'sede f'pajjiżi terzi qegħdin jużaw il-kummerċ elettroniku biex joffru prodotti kontrafatti lill-konsumaturi Ewropej u li wħud minn dawn il-prodotti jistgħu jinħarġulhom fatturi bi prezzijiet orħos mil-livelli minimi biex jevitaw li jiġu kkontrollati mill-awtoritajiet jew jista' jkun li qed jidħlu fis-suq billi jisfruttaw id-differenzi fl-arranġamenti ta' fatturazzjoni, ir-regoli doganali u l-penalitajiet; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga ulterjorment dawn il-problemi u twieżen liema jkun l-aħjar mod biex tindirizza r-riskji assoċjati mal-kummerċ elettroniku, kif ukoll taħdem mill-qrib mal-atturi kollha interessati, inklużi t-trasportaturi u l-kurrieri, ħalli ssostni lill-Istati Membri fit-trażżin ta' din il-prattika mingħajr ma jinħolqu ostakli għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku u mingħajr ma jixxekkel il-kummerċ leġittimu;

26.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura, b'mod konġunt mal-Istati Membri, li l-UE timplimenta sal-massimu possibbli l-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ (TFA) tad-WTO, u tkompli tippromwovi l-implimentazzjoni tiegħu mill-membri l-oħra tad-WTO għall-benefiċċju tal-esportaturi tal-UE, inkluż billi tikkontribbwixxi għall-isforzi ta' pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, sabiex tissaħħaħ il-faċilitazzjoni tal-kummerċ fid-dinja kollha;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali biex tiżviluppa ulterjorment l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskji doganali fil-katina tal-provvista;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha f'materji doganali mas-sħab kummerċjali ewlenin tagħha u mal-awtoritajiet doganali tagħhom, kif ukoll tidħol fi djalogu mal-pajjiżi ewlenin minn fejn joriġinaw il-prodotti kontrafatti, bil-għan li jkun hemm kollaborazzjoni fil-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illeċiti, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni bbażata fuq il-kummerċ, il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, li lkoll kemm huma jimminaw is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi, joħolqu riskji għas-soċjetà u għas-suq filwaqt li jagħmlu ħsara lill-ekonomiji, u tkompli tiffaċilita l-kummerċ bilaterali oltre l-impenji rigorużi fl-ambitu tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ; jindika li dan jista' jinkiseb billi jiġu inklużi suġġetti fil-qasam tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ bħar-regoli standardizzati dwar il-metodi, it-trasparenza, l-integrità u l-obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-proċeduri doganali, u billi jiġu inklużi kapitoli antifrodi u antikontrafazzjoni fin-negozjati kollha dwar ftehimiet ta' kummerċ ħieles, jew permezz ta' ftehimiet doganali speċifiċi;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli u tapprofondixxi l-kooperazzjoni doganali fil-qasam tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali mal-pajjiżi terzi u maż-żoni ta' kummerċ ħieles li jkunu l-aktar għajn frekwenti tal-kummerċ illeċitu; jemmen, f'dan ir-rigward, li huwa neċessarju li tiġi promossa kemm il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet doganali fil-livell internazzjonali kif ukoll l-iżvilupp ta' sħubijiet mal-impriżi privati, sabiex jiġi miġġieled il-ksur doganali u l-evitar tal-obbligi tat-taxxa;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u, b'mod partikolari, mal-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, bil-għan li jiġu sostnuti l-inizjattivi għall-infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, bħall-proċeduri ta' faċilitazzjoni għad-detenturi tad-drittijiet ibbażati fuq l-iskambju elettroniku tad-data, li kieku jkun ta' benefiċċju anke għall-impriżi ta' daqs żgħir u medju, u biex tqiegħed il-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni u l-frodi fost il-prijoritajiet tagħha fi ħdan id-WTO, filwaqt li tinvolvi lill-OECD u d-WCO fil-ħidma tagħha fil-qasam; jisħaq għalhekk li r-Regolament attwali dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jiżvolġi rwol importanti fil-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni (ksur tat-trademarks), il-piraterija (ksur tad-drittijiet tal-awtur) u l-kuntrabandu ta' prodotti sensittivi, kif ukoll fl-ambiti tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, tal-marki tal-oriġini u tal-kummerċ illegali; jemmen li huwa essenzjali li dan ir-Regolament jiġi implimentat kif dovut fl-Unjoni kollha kemm hi flimkien mad-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u li l-awtoritajiet doganali jwettqu l-infurzar meħtieġ b'mod li ma jimpedixxix lill-kummerċjanti leġittimi milli joperaw in bona fede;

31.

Jitlob lill-Kummissjoni tikkoordina b'mod aħjar id-difiża tal-indikazzjoni ġeografika rigward prodotti agroalimentari fil-Kummissjoni u anke mal-EUIPO, billi tirrappreżenta tassew valur miżjud fuq is-swieq esterni; ifakkar lill-Kummissjoni fl-importanza tal-iżvilupp ta' politika daqstant ambizzjuża dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agroalimentari; ifakkar fl-introduzzjoni ta' sistema ta' protezzjoni tal-prodotti mhux agrikoli li tuża l-indikazzjoni ġeografika u li hija koerenti, sempliċi, trasparenti u li ma timponix piżijiet f'livell amministrattiv u finanzjarju tirrappreżenta opportunità għall-impriżi ta' daqs żgħir u medju u tkun issaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fin-negozjati kummerċjali internazzjonali;

32.

Jinnota li s-servizzi doganali qegħdin jiffaċċjaw tipi ġodda ta' sfidi, relatati kemm ma' metodi ġodda ta' negozjar u mas-sigurtà u l-protezzjoni ta' prodotti skont proċeduri tal-importazzjoni jew fi tranżitu internazzjonali b'destinazzjoni fl-Ewropa;

33.

Jinnota li l-effiċjenza tal-proċeduri doganali hi kruċjali mhux biss biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ, iżda wkoll biex tiġi infurzata l-liġi b'mod effikaċi u mtejjeb, fir-rigward tal-kontrafazzjoni u tal-kuntrabandu ta' prodotti suġġetti għas-sisa li jidħlu fl-UE; iqis li s-servizzi doganali huma f'nofs triq bejn il-moviment garantit tal-merkanzija li jipproteġi lill-konsumaturi fi ħdan l-UE u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kummerċjali;

34.

Huwa tal-fehma li l-kwalità u r-riżultati tal-kontrolli doganali dwar it-tranżitu ta' merkanzija, b'mod partikolari għall-operazzjonijiet ta' vjaġġi u trasport fil-portijiet u fil-fruntieri, huma ta' importanza primarja u għandhom jiġu mtejba; jiddispjaċih li bħalissa hemm differenza fattwali f'termini tat-tip ta' kontrolli fi ħdan l-Unjoni li tiffavorixxi ċerti rotot ta' aċċess, b'mod partikolari l-portijiet, bi ħsara għall-oħrajn, fejn il-kontrolli mwettqa huma aktar stretti; iqis li jeħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm tekniki ta' kontroll omoġenji u standardizzati fost l-Istati Membri biex jiffiltraw fil-portijiet u fil-fruntieri, bil-promozzjoni ta' strateġiji ta' kontroll moderni, teknoloġikament avvanzati u bbażati fuq il-ġestjoni tar-riskji;

35.

Iqis li jkun tajjeb li l-Istati Membri jikkonċentraw il-kontrolli doganali, u sa fejn hu possibbli kwalunkwe kontroll rilevanti ieħor fil-fruntieri, fuq il-konsenji ta' riskju għoli, li jintgħażlu b'mod każwali bl-użu ta' kriterji ta' għażla komuni, inklużi dawk li jirrigwardaw in-natura u d-deskrizzjoni tal-merkanzija, il-pajjiż tal-oriġini, il-pajjiż minn fejn il-merkanzija ntbagħtet, il-valur tal-merkanzija, il-provi tal-konformità regolatorja tal-kummerċjanti u l-mezzi ta' trasport;

36.

Jappoġġa l-isforzi kollha biex l-integrità fil-kummerċ internazzjonali tiġi promossa permezz tat-tranżizzjoni lejn proċeduri doganali kompletament elettroniċi fl-UE sal-2020, kif previst skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni l-ġdid, li se jtejjeb it-trasparenza tal-għażla tal-kampjuni ta' kontroll tal-merkanzija u l-kontejners;

37.

Jemmen li hemm bżonn koordinament aħjar bejn l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq sabiex mhux biss jiġġieldu kontra l-kontrafazzjoni, imma jrażżnu wkoll il-kummerċ fil-prodotti illegali li jiksru l-liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali fl-UE;

38.

Jisħaq fuq ir-rwol tal-OLAF fl-investigazzjoni dwar l-evażjoni tad-dazji tal-importazzjoni (inklużi d-dazji konvenzjonali, anti-dumping u kompensatorji) fuq it-tipi kollha ta' prodotti bażiċi u merkanzija, speċjalment bl-involviment ta' dikjarazzjonijiet tal-oriġini foloz (kemm taħt ir-reġimi preferenzjali u kemm taħt dak mhux preferenzjali) u ta' sottovalutazzjoni u deskrizzjoni ħażina tal-merkanzija; jappella lill-OLAF biex jiżvolġi rwol aktar attiv fil-koordinament tal-investigazzjonijiet relatati mis-servizzi doganali nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u sħab oħra kemm fl-UE kif ukoll barra minnha;

39.

Jindika li l-Operazzjonijiet Doganali Konġunti regolari jiżvolġu rwol vitali fis-salvagwardja tal-finanzi pubbliċi tal-UE, billi jidentifikaw fejn jinsabu r-riskji fuq rotot kummerċjali speċifiċi u jipproteġu liċ-ċittadini u l-impriżi leġittimi billi jwaqqfu lill-prodotti illegali milli jidħlu fl-UE; jappella lill-OLAF biex jintensifika l-appoġġ tiegħu favur l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-UE, kif ukoll ta' xi pajjiżi terzi huma u jwettqu aktar operazzjonijiet doganali konġunti, permezz tal-infrastruttura teknika, l-għodod informatiċi u ta' komunikazzjoni, l-analiżi strateġika, kif ukoll l-appoġġ finanzjarju u amministrattiv, sabiex titjieb l-effikaċja tas-servizzi doganali fit-twettiq ta' kontrolli mmirati fuq livell Ewropew;

40.

Jemmen li l-Kummissjoni għandha tissorvelja aħjar, fuq bażi ta' riskju standardizzat, lill-pajjiżi li jibbenefikaw minn trattament preferenzjali, partikolarment sabiex tivverifika l-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-oriġini u l-akkumulazzjoni; jikkunsidra, f'dan il-kuntest, li l-kontroll tal-istatus ta' oriġini tal-prodotti importati u l-adegwatezza tad-dokumenti li jikkonċedu trattament preferenzjali, huwa komponent kruċjali tal-istrateġiji ta' kontroll u t-traċċabbiltà;

41.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU C 80, 19.3.2013, p. 1.

(2)  ĠU C 407, 4.11.2016, p. 18.

(3)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(4)  ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1.

(5)  ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558.

(6)  ĠU L 69, 15.3.2016, p. 1.

(7)  ĠU L 99, 15.4.2016, p. 6.

(8)  ĠU L 181, 29.6.2013, p. 15.

(9)  Ara rapport A8-0239/2016.

(10)  ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16.

(11)  Testi adottati, P8_TA(2017)0011.


L-Erbgħa 17 ta’ Mejju 2017

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/52


P8_TA(2017)0210

Rapport annwali 2014 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar ir-Rapport Annwali 2014 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (2015/2283(INI))

(2018/C 307/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2003 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, u l-verżjoni l-aktar reċenti, il-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ,

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità,

wara li kkunsidra l-arranġamenti prattiċi maqbula fit-22 ta' Lulju 2011 bejn is-servizzi kompetenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) f'każ ta' qbil fl-ewwel qari,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-Rapporti annwali 2012-2013 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar l-idoneità Regolatorja tal-UE, Sussidjarjetà u Proporzjonalità – id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011 (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2012 dwar it-18-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet – Applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (2010) (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u r-regolamentazzjoni intelliġenti (4),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni ffirmat fil-5 ta' Frar 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni,

wara li kkunsidra r-Rapport annwali 2014 tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (COM(2015)0315),

wara li kkunsidra r-Rapport annwali tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Sussidjarjetà 2014,

wara li kkunsidra r-Rapporti biennali tal-COSAC dwar l-Iżviluppi fil-Proċeduri u l-Prattiki tal-Unjoni Ewropea Rilevanti għall-Iskrutinju Parlamentari tad-19 ta' Ġunju 2014, tal-14 ta' Novembru 2014, tas-6 ta' Mejju 2015 u tal-4 ta' Novembru 2015,

wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0114/2017),

A.

billi fl-2014 il-Kummissjoni rċeviet 21 opinjoni motivata li kienu jindirizzaw 15-il proposta leġiżlattiva; billi l-għadd totali ta' sottomissjonijiet milqugħa kien ta' 506, inklużi s-sottomissjonijiet magħmula fil-qafas tad-djalogu politiku;

B.

billi fl-2014 tliet Kmamar nazzjonali (il-Folketing Daniża, it-Tweede Kamer Netherlandiża u l-House of Lords tar-Renju Unit) ressqu rapporti bi proposti dettaljati dwar kif jista' jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

C.

billi, fil-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, iffirmat fil-5 ta' Frar 2014, iż-żewġ istituzzjonijiet impenjaw ruħhom li jtejbu l-leġittimità tal-Unjoni Ewropea;

D.

billi, fid-19 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni adottat pakkett ta' miżuri ta' regolamentazzjoni aħjar b'Linji Gwida ġodda integrati ta' Regolamentazzjoni Aħjar, inkluża gwida għall-valutazzjoni ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-impatt tal-inizjattivi ġodda;

E.

billi fl-2014 l-Unità tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Parlament Ewropew ipproduċiet 31 valutazzjoni inizjali, żewġ valutazzjonijiet dettaljati, u tliet valutazzjonijiet tal-impatt sostituti jew komplementari għall-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni, u valutazzjoni tal-impatt fuq l-emendi;

F.

billi s-setgħat delegati fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni jingħataw fejn ikun hemm ħtieġa ta' flessibbiltà u effiċjenza, u fejn dawn ma jistgħux jitwettqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja; billi l-adozzjoni tar-regoli essenzjali għas-suġġett previst hija riżervata għal-leġiżlaturi;

G.

billi s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma kunsiderazzjonijiet ewlenin fil-kuntest ta' evalwazzjonijiet retrospettivi, li jivvalutaw jekk l-azzjonijiet tal-UE humiex fil-verità qed jagħtu r-riżultati mistennija f'termini ta' effiċjenza, effikaċja, koerenza, rilevanza u valur miżjud tal-UE;

1.

Jilqa' l-kunsiderazzjoni kontinwata tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, li skont it-Trattati, huma fost il-prinċipji ta' gwida għall-Unjoni Ewropea meta tagħżel li taġixxi u li għandhom jitqiesu bħala partijiet integrali tal-proċess tat-teħid ta' deċżjonijiet tal-UE; ifakkar li, fir-rigward ta' kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva ġdida, it-Trattat jobbliga lill-Kummissjoni teżamina jekk l-UE tkunx intitolata tieħu azzjoni u jekk din l-azzjoni tkunx ġustifikata għal raġunijiet ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, u li kull inizjattiva tkun akkumpanjata minn nota spjegattiva li tistabbilixxi, inter alia, kif l-inizjattiva tikkonforma ma' dawn il-prinċipji;

2.

Jenfasizza li l-kontrolli tas-sussidjarjetà mill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri huma fost l-aktar għodod importanti biex jitnaqqas l-hekk imsejjaħ “defiċit demokratiku” u għall-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u dawk nazzjonali; jirrimarka li l-parlamenti nazzjonali jista' jkollhom rwol sinifikanti x'jaqdu sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell li jkun l-aktar effikaċi, u qrib kemm jista' jkun taċ-ċittadin; jenfasizza li l-adozzjoni ta' atti legali tirrikjedi l-qbil ta' maġġoranza kbira fi ħdan il-Kunsill, li jħaddan il-ministri nazzjonali tal-Istati Membri kollha, li huma politikament responsabbli quddiem il-Parlamenti nazzjonali tagħhom, u li dan huwa mod ieħor li permezz tiegħu l-principju tas-sussidjarjetà jiġi rrispettat bis-sħiħ;

3.

Josserva t-tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' opinjonijiet motivati maħruġa mill-parlamenti nazzjonali fl-2014; jirrimarka, madankollu, li tali tnaqqis jista' jkun riżultat tal-għadd dejjem jonqos ta' proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-2014, l-ebda proposta tal-Kummissjoni ma kienet soġġetta għal proċeduri ta' “karta safra” jew ta' “karta oranġjo” skont il-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; ifakkar li l-proċedura tal-“karta safra” ntużat darbtejn fil-passat (darba fl-2012 u darba fl-2013), li juri li s-sistema taħdem;

4.

Jinnota li 15-il kamra biss ħarġu opinjonijiet motivati fl-2014 u li dan jirrappreżenta tnaqqis ta' madwar 50 % fil-livell ta' parteċipazzjoni fost il-41 Kamra kollha meta mqabbel mal-2013;

5.

Jilqa' l-fatt li fl-2014 l-istituzzjonijiet kollha tal-UE kellhom rwol attiv biex jiżguraw kontroll tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità skont l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jilqa' l-fatt li d-djalogu politiku bejn il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali ssaħħaħ, inkluż permezz ta' diversi żjarat mill-Kummissarji fil-parlamenti nazzjonali;

6.

Jinnota, madankollu, li l-maġġoranza tal-opinjonijiet mill-parlamenti nazzjonali jiġu sottomessi biss minn ftit Kmamar nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kmamar nazzjonali l-oħra jinvolvu ruħhom aktar fid-dibattitu Ewropew;

7.

Jinnota li xi parlamenti nazzjonali enfasizzaw li, f'uħud mill-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, il-ġustifikazzjoni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità hija insuffiċjenti jew ineżistenti; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb in-noti spjegattivi tagħha billi tipprovdi dejjem stampa dettaljata, komprensiva u b'analiżi sostanzjata bil-fatti tal-proposti tagħha fir-rigward tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, b'tali mod li tgħin lill-parlamenti nazzjonali jwettqu eżami aktar effikaċi ta' dawk il-proposti;

8.

Jinnota li l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt (“IAB”) qies li aktar minn 32 % tal-valutazzjonijiet tal-impatt (“IAs”) rieżaminati minnu fl-2014 kienu jinkludu analiżi mhux sodisfaċenti tal-prinċipju tas-sussidjarjetà jew ta' dak tal-proporzjonalità, jew tat-tnejn li huma; josserva li din ir-rata hija simili għar-rati ta' snin preċedenti, u jikkunsidra, għalhekk, li jaf ikun meħtieġ titjib;

9.

Jinnota, b'konnessjoni ma' dan, l-importanza kruċjali tal-valutazzjonijiet tal-impatt bħala strumenti li jgħinu fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-proċess leġiżlattiv, u jenfasizza l-ħtieġa, f'dan il-kuntest, li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-kwistjonijiet relatati mas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jilqa', f'dan ir-rigward, il-pakkett ta' miżuri għal regolamentazzjoni aħjar adottat mill-Kummissjoni fid-19 ta' Mejju 2015 bl-għan li jiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE taqdi aħjar l-interessi taċ-ċittadini. Il-pakkett jindirizza, fost l-oħrajn, it-tħassib imqajjem mill-IAB rigward is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jilqa' l-fatt li l-pakkett jinkludi spjegazzjoni aktar bir-reqqa mill-Kummissjoni dwar kif il-proposti leġiżlattivi jissodisfaw l-obbligi legali ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, inkluż fl-analiżijiet tal-impatt tagħha; jenfasizza li, fi kwalunkwe każ, il-pakkett ta' miżuri għal regolamentazzjoni aħjar irid jintuża biex tinħoloq leġiżlazzjoni Ewropea robusta fir-rigward ta' kwistjonijiet li għalihom progress reali u valur miżjud jista' jinkiseb bl-aħjar mod fil-livell Ewropew;

10.

Ifakkar l-importanza tar-rapporti annwali dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mħejjija mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tressaq rapporti annwali iktar dettaljati dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, li jkunu jinkludu analiżi aktar bir-reqqa tal-prinċipju tal-proporzjonalità;

11.

Jilqa' r-rapporti minn għadd ta' parlamenti nazzjonali, b'mod partikolari l-Folketing Daniż, it-Tweede Kamer Olandiż u l-House of Lords tar-Renju Unit, bħala kontribut siewi għad-dibattitu dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u jieħu nota tal-proposti inklużi f'dawk ir-rapporti; jinnota li fihom ideat dwar kif jista' jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà, u li jissuġġerixxu li l-opinjonijiet motivati għandhom jirrigwardaw ukoll il-konformità tal-proposti mal-prinċipju tal-proporzjonalità; jemmen, madankollu li l-prattiċità ta' dawn il-proposti tirrikjedi evalwazzjoni bir-reqqa u reviżjoni tat-Trattati u tal-protokolli rilevanti, peress li l-proposti mhumiex riflessi fit-Trattati eżistenti; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali oħrajn biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar ir-rwol li għandu jkollhom il-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fid-dibattitu Ewropew u jħeġġiġhom biex jikkooperaw saħansitra aktar mill-qrib ma' xulxin u mal-Parlament Ewropew;

12.

Jissuġġerixxi li, f'rieżami possibbli tat-Trattati u tal-Protokolli tagħhom, tista' ssir riflessjoni dwar jekk l-opinjonijiet motivati għandhomx ikunu limitati għal eżami tar-raġunijiet ta' sussidjarjetà jew jekk għandhomx jinkludu wkoll valutazzjonijiet tal-proporzjonalità, dwar x'ikun l-għadd xieraq ta' reazzjonijiet mill-parlament nazzjonali meħtieġa biex jingħata bidu għal proċedura ta' “karta safra” jew “karta oranġjo”, u dwar x'għandu jkun l-effett f'każijiet fejn jintlaħaq il-limitu għal dawn il-proċeduri skont l-Artikolu 7(2) tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

13.

Jinnota li diversi parlamenti nazzjonali esprimew, fi ħdan il-Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet tal-Unjoni (COSAC), l-interess tagħhom li jipproponu l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' “karta ħadra” bħala strument għat-titjib tad-djalogu politiku; huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta' dan il-mekkaniżmu ta' “karta ħadra”, li joffri lill-parlamenti nazzjonali l-opportunità li jissuġġerixxu inizjattiva leġiżlattiva lill-Kummissjoni għall-eżami tagħha, għandha tiġi kkunsidrata; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-għadd ta' parlamenti nazzjonali meħtieġa biex jingħata bidu għal proċedura bħal din, u l-estent tal-impatt tagħha; jenfasizza li l-introduzzjoni possibbli ta' mekkaniżmu bħal dan m'għandhiex iddgħajjef l-istituzzjonijiet tal-UE u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

14.

Jieħu nota tat-talba li saret min-naħa ta' xi parlamenti nazzjonali biex jiġi estiż il-perjodu ta' tmien ġimgħat li fihom jistgħu joħorġu opinjoni motivata skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2; jemmen li, f'dan ir-rigward, il-kwistjoni tal-perjodu xieraq li l-parlamenti nazzjonali għandu jkollhom biex joħorġu opinjoni motivata tista' tiġi kkunsidrata, jekk jitolbu dan għal raġunijiet ta' limitazzjonijiet ta' żmien abbażi ta' raġunijiet oġġettivi ġustifikati, bħal pereżempju diżastri naturali u perjodi ta' vaganzi, li għandhom jinqablu bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni; iqis li dan jista' jintlaħaq permezz ta' impenn politiku maqbul bejn l-istituzzjonijiet u l-parlamenti nazzjonali fl-ewwel istanza, mingħajr ma jinħoloq dewmien fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti; jenfasizza li tali perjodu jeħtieġ li jkun ir-riżultat tal-ilħuq ta' bilanċ ġust bejn id-dritt tal-parlamenti nazzjonali li jqajmu oġġezzjonijiet għal raġunijiet ta' sussidjarjetà u l-effiċjenza li biha l-Unjoni jeħtieġ li twieġeb għat-talbiet taċ-ċittadini tagħha; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-parlamenti nazzjonali għandhom l-opportunità li jintervjenu u li jikkunsidraw il-kwistjoni tal-osservanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà qabel ma l-Kummissjoni tressaq inizjattiva leġiżlattiva tagħha meta tippreżenta Green Papers, White Papers jew il-Programm ta' Ħidma annwali tagħha; jemmen li, wara l-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, l-involviment tal-parlamenti nazzjonali fl-affarijiet tal-UE żviluppa b'mod sinifikanti, inkluż permezz tal-konnessjoni tagħhom ma' parlamenti nazzjonali oħra fuq bażi regolari;

15.

Iqis li jekk l-Istati Membri jaqblu li jestendu l-perjodu mogħti lill-parlamenti nazzjonali biex joħorġu opinjoni motivata skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2, dan għandu jiġi inkluż f'reviżjoni futura tat-Trattat; tali perjodu ta' estensjoni jista' mbagħad jiġi determinat ukoll f'leġiżlazzjoni sekondarja;

16.

Ifakkar li l-parlamenti nazzjonali jistgħu jesprimu tħassib dwar is-sussidjarjetà fi kwalunkwe mument taħt il-proċedura ta' konsultazzjoni jew fil-qafas tad-djalogu politiku permezz ta' opinjoni indirizzata lill-Kummissjoni;

17.

Jistieden lill-parlamenti nazzjonali u lill-Parlament Ewropew jinteraġixxu ma' xulxin b'mod aktar effikaċi, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' kuntatti informali bejn il-MPE u l-membri tal-parlamenti nazzjonali dwar oqsma ta' politika speċifiċi;

18.

Jemmenli huwa importanti li nappoġġajw lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali permezz ta' għodod li jippermettu l-iskambju ta' informazzjoni, bħal pereżempju l-ħolqien ta' pjattaforma tal-IT li tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li, speċjalment minħabba li l-volum ta' opinjonijiet motivati li waslu mill-parlamenti nazzjonali fl-2014 baqa' ma nbidilx fi proporzjoni mal-għadd ta' proposti tal-Kummissjoni, għandu jiġi żviluppat mekkaniżmu għall-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv tal-UE, għalkemm il-kompetenzi ta' kull istituzzjoni u l-prinċipju tas-sussidjarjetà għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ;

19.

Jinkoraġġixxi l-użu ta' kooperazzjoni interparlamentari biex jissaħħaħ ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv tal-UE; jenfasizza l-importanza li jsir użu aħjar mill-għodod interparlamentari disponibbli għall-parlamenti nazzjonali, bħall-COSAC, il-laqgħat interparlamentari organizzati mill-Parlament Ewropew u l-Konferenza Interparlamentari għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni;

20.

Jemmen li huwa importanti li l-parlamenti nazzjonali jiġu ssensibilizzati rigward ir-rwol speċifiku tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet u li jiġi promoss aktar l-użu tal-pjattaforma għal Skambju Interparlamentari tal-UE (IPEX), li tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni; ifakkar li l-konsultazzjonijiet pubbliċi organizzati mill-Kummissjoni jistgħu jkunu sors ta' informazzjoni, iżda li fil-biċċa l-kbira tagħhom jibqgħu ma jintużawx minn membri tal-parlamenti nazzjonali;

21.

Jirrakkomanda li jsir użu aktar min-netwerk ta' rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali biex titqajjem kuxjenza dwar il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u jittejjeb it-tħaddim tal-IPEX;

22.

Iqis li l-opinjonijiet motivati maħruġa mill-parlamenti nazzjonali skont l-Artikolu 7(1) tal-Protokoll Nru 2 għandhom jiġu kkunsidrati debitament mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE involuti fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni u, f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu l-arranġamenti xierqa;

23.

Ifakkar li l-prinċipju ta' proporzjonalità minqux fl-Artikolu 5 tat-TUE jirrikjedi li l-“kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni m'għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati”; jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-prinċipju tal-proporzjonalità “jeżiġi li l-miżuri implementati permezz ta' dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu kapaċi li jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq”;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq, b'mod sistematiku, valutazzjonijiet tal-proporzjonalità mtejba għal kull proposta leġiżlattiva, li għandhom jinkludu analiżi xierqa tal-għażliet leġiżlattivi differenti għad-dispożizzjoni tagħha u spjegazzjoni sostanzjali tal-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi mistennija tal-alternattiva magħżula, u tal-effetti potenzjali tagħha fuq il-kompetittività u l-SMEs; jemmen li dawn il-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità mtejba għandhom jgħinu lill-Kummissjoni telimina alternattivi b'impatt sproporzjonat jew li jkunu ta' piż bla bżonn fuq l-individwi, l-intrapriżi, u b'mod partikolari l-SMEs, is-soċjetà ċivili, l-impjegati u l-entitajiet oħra kkonċernati, u għandhom jippermettu eżami aħjar tal-proposti għal raġunijiet ta' proporzjonalità; iqis li jista' jitqies jekk l-ambitu tal-opinjonijiet motivati għandux jitwessa' biex jinkludi r-rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, bl-għajnuna tal-parlamenti nazzjonali, il-possibbiltà li tistabbilixxi linji gwida mhux vinkolanti li jgħinu lill-parlamenti nazzjonali fil-kompitu tagħhom li jivvalutaw il-konformità tal-proposti leġiżlattivi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

26.

Jilqa' d-dikjarazzjoni mill-Presidenti tal-Kamra tad-Deputati Taljana, tal-Assemblea Nazzjonali Franċiża, tal-Bundestag Ġermaniż, u tal-Kamra tad-Deputati Lussemburgiża, li enfasizzaw “li aktar, u mhux inqas, huwa meħtieġ mill-Ewropa biex twieġeb għall-isfidi li niffaċċjaw, kemm internament kif ukoll esternament”;

27.

Itenni li diġà jistgħu jiġu introdotti diversi inizjattivi biex itejbu l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-parlamenti nazzjonali u jagħmluha aktar effiċjenti, u b'mod partikolari:

jipproponi li l-opinjonijiet motivati tal-parlamenti nazzjonali li jintbagħtu skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2 anness mat-TUE u mat-TFUE jingħaddu lill-koleġiżlaturi, mingħajr dewmien;

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tista' tħejji linji gwida għal opinjonijiet motivati dwar kwistjonijiet ta' sussidjarjetà, bl-involviment tal-parlamenti nazzjonali u mingħajr ma timmina d-diskrezzjoni tagħhom;

iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jaqsmu r-rimarki tagħhom dwar il-valutazzjonijiet imfassla mill-Kummissjoni;

28.

Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament għandhom jagħtu konsiderazzjoni xierqa għall-valutazzjonijiet tal-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità li jagħmel il-Kumitat tar-Reġjuni, meta dan tal-aħħar joħroġ opinjonijiet dwar proposti leġislattivi;

29.

Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni għandha tkun komprensibbli u ċara, tippermetti lill-partijiet jifhmu faċilment id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom, tinkludi rekwiżiti xierqa ta' rappurtar, monitoraġġ u evalwazzjoni, tevita spejjeż sproporzjonati, u tkun tista' tiġi implimentata b'mod prattiku;

30.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0103.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2014)0061.

(3)  ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 117.

(4)  ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 87.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/57


P8_TA(2017)0211

FinTech: l-influwenza tat-teknoloġija fuq il-futur tas-settur finanzjarju

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar FinTech: l-influwenza tat-teknoloġija fuq il-futur tas-settur finanzjarju (2016/2243(INI))

(2018/C 307/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar muniti virtwali (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs u ż-żieda tad-diversità tal-finanzjament tal-SMEs f'Unjoni tas-Swieq Kapitali (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar il-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur (3),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu “L-Unjoni tas-Swieq Kapitali – Naċċelleraw ir-Riforma” (COM(2016)0601),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2016 dwar il-finanzjament kollettiv fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-UE (SWD(2016)0154),

wara li kkunsidra d-dokument ta' konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 dwar “Il-bini ta' ekonomija Ewropea tad-data” (COM(2017)0009),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tas-16 ta' Diċembru 2016 dwar l-awtomatizzazzjoni fil-konsulenza finanzjarja,

wara li kkunsidra d-dokument ta' diskussjoni tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar l-użu tal-Big Data mill-istituzzjonijiet finanzjarji (JC 2016 86),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea tas-26 ta' Frar 2015 dwar il-finanzjament kollettiv ibbażat fuq is-self (EBA/Op/2015/03),

wara li kkunsidra d-dokument ta' diskussjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea tal-4 ta' Mejju 2016 dwar użi innovattivi tad-data dwar il-konsumatur mill-istituzzjonijiet finanzjarji (EBA/DP/2016/01),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-finanzjament kollettiv ibbażat fuq l-investiment (ESMA/2014/1378),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tas-7 ta' Jannar 2017 dwar id-distributed ledger technology applikata għas-swieq tat-titoli,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tas-7 ta' Settembru 2016 dwar ir-riskji u l-vulnerabilitajiet tas-sistema finanzjarja tal-UE,

wara li kkunsidra t-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-Awtorità Bankarja Ewropea bbażata fuq id-data fit-tielet trimestru tal-2016,

wara li kkunsidra t-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) ta' Marzu 2016,

wara li kkunsidra l-Ħames Rapport tal-EIOPA dwar it-Tendenzi tal-Konsumatur tas-16 ta' Diċembru 2016 (EIOPA-BoS-16-239),

wara li kkunsidra t-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tar-raba' trimestru tal-2016,

wara li kkunsidra d-Dokument Okkażjonali Nru 172 tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' April 2016 bit-titolu: Distributed ledger technologies in securities post-trading: Revolution or evolution?" (Teknoloġiji tar-reġistru distribwit fil-fażi ta' wara n-negozjar fit-titoli: Revoluzzjoni jew evoluzzjoni?),

wara li kkunsidra d-dokument tal-Kumitat dwar il-Pagamenti u l-Infrastrutturi tas-Suq ta' Frar 2017 bit-titolu “Distributed ledger technology in payment, clearing and settlement: An analytical framework” (Teknoloġija tar-reġistru distribwit fil-pagamenti, l-ikklirjar u s-saldu: Qafas analitiku),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0176/2017),

A.

billi l-FinTech għandha tinftiehem bħala attività finanzjarja magħmula possibbli jew ipprovduta permezz ta' teknoloġiji ġodda, li taffettwa s-settur finanzjarju kollu fil-komponenti kollha tiegħu, mis-settur bankarju għal dak tal-assigurazzjoni, il-fondi tal-pensjonijiet, il-konsulenza dwar l-investiment, is-servizzi ta' pagament u l-infrastrutturi tas-suq;

B.

billi s-servizzi finanzjarji minn dejjem kienu bbażati fuq it-teknoloġija u evolvew b'mod allinjat mal-innovazzjoni teknoloġika;

C.

billi kwalunkwe attur jista' jkollu funzjoni ta' FinTech, irrispettivament mit-tip ta' entità ġuridika li jkun; billi l-katina tal-valur fis-servizzi finanzjarji tinkludi dejjem aktar lil atturi alternattivi bħal negozji ġodda jew tech giants; billi, għaldaqstant, dan it-terminu jinkludi firxa wiesgħa ta' kumpaniji u ta' servizzi li jvarjaw ħafna minn xulxin, li jirrappreżentaw sfidi differenti u li t-trattament regolatorju tagħhom irid ivarja;

D.

billi firxa wiesgħa ta' żviluppi fil-qasam tal-FinTech hija msejsa fuq teknoloġiji ġodda, bħall-applikazzjonijiet tad-distributed ledger technology (DLT), il-pagamenti innovattivi, ir-robo-advice, il-Big Data, l-użu tal-cloud computing, soluzzjonijiet innovattivi fl-onboarding/identifikazzjoni tal-konsumaturi, pjattaformi tal-finanzjament kollettiv u ħafna aktar;

E.

billi l-investiment fl-applikazzjoni tal-FinTech jirrappreżenta biljuni ta' euro u qed ikompli jiżdied kull sena;

F.

billi l-applikazzjonijiet tat-teknoloġiji qed jiżviluppaw b'passi differenti filwaqt li l-iskala u l-impatt tal-iżvilupp tagħhom jiqbgħu inċerti, iżda għandhom il-potenzjal li jittrasformaw is-settur finanzjarju b'mod sostanzjali ħafna; billi ċerti applikazzjonijiet tal-FinTech jistgħu xi darba jsiru ta' importanza sistemika;

G.

billi l-iżviluppi fil-qasam tal-FinTech għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-kompetittività tas-sistema finanzjarja u tal-ekonomija Ewropea, inkluż il-benesseri taċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jsaħħu l-istabbiltà finanzjarja u jżommu l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-konsumatur;

H.

billi l-FinTech tista' twassal għal benefiċċji konsiderevoli, bħal servizzi finanzjarji aktar veloċi, orħos, aktar imfassla apposta, aktar inklużivi, reżiljenti u trasparenti u aħjar għall-konsumaturi u għan-negozji, u tista' tiftaħ bosta opportunitajiet kummerċjali ġodda għall-intraprendituri Ewropej; billi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, l-esperjenza tal-konsumaturi hija l-forza li tixpruna lill-atturi tas-suq; billi l-progress u l-innovazzjoni fis-settur finanzjarji m'għandhomx jeskludu l-flus bħala mezz ta' pagament;

I.

billi l-iżvilupp ta' servizzi finanzjarji ġodda u d-diġitalizzazzjoni ta' servizzi eżistenti se jbiddlu d-dinamiċi tas-suq għas-settur tas-servizzi finanzjarji, billi jintroduċu forom ġodda ta' kompetizzjoni, innovazzjoni, sħubiji u esternalizzazzjoni minn atturi u bejniethom;

J.

billi l-promozzjoni ta' kompetizzjoni ġusta, in-newtralizzazzjoni tar-renti ekonomiċi fejn dawn jeżistu u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi għas-servizzi finanzjarji fl-UE huma prerekwiżiti għat-tisħiħ tal-FinTech fl-Ewropa u għat-twassil tal-kooperazzjoni bejn l-atturi kollha;

K.

billi r-riċerka ekonomika wriet li l-kosteffiċjenza tas-sistema finanzjarja tista' twassal għal prezzijiet tal-konsumaturi aktar baxxi għal prodotti u servizzi finanzjarji għall-konsumaturi; billi l-FinTech tista' tikkontribwixxi għan dan it-tnaqqis fil-prezzijiet;

L.

billi soluzzjonijiet fil-qasam tal-FinTech jistgħu jżidu l-aċċess għall-kapital, b'mod partikolari għall-SMEs, permezz ta' servizzi finanzjarji transfruntieri, self alternattiv u kanali ta' investiment bħall-finanzjament kollettiv u s-self bejn il-pari, u b'hekk isaħħu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU);

M.

billi l-iżviluppi fil-qasam tal-FinTech jistgħu wkoll jiffaċilitaw il-flussi finanzjarji transfruntieri u l-integrazzjoni tas-swieq kapitali fl-Ewropa u b'hekk iħeġġu n-negozju transfruntier u jippermettu l-ikkompletar tas-CMU;

N.

billi l-iżviluppi fil-qasam tal-FinTech, b'mod partikolari fil-qasam tas-soluzzjonijiet ta' pagamenti domestiċi u transfruntieri, jistgħu wkoll jappoġġjaw l-iżvilupp kontinwu ta' suq uniku fl-oġġetti u fis-servizzi u jiffaċilitaw il-kisba “tal-objettivi 5x5” tal-G20 u tal-G8 tat-tnaqqis tal-ispejjeż tar-rimessi;

O.

billi l-FinTech tista' sservi bħala għodda effikaċi għall-inklużjoni finanzjarja, billi tiftaħ servizzi finanzjarji mfassla apposta għal dawk li ma setgħux jaċċessawhom qabel, u b'hekk tagħmel it-tkabbir aktar inklużiv; billi l-indirizzar tal-problemi tal-edukazzjoni finanzjarja u l-ħiliet diġitali fost iċ-ċittadini Ewropej huwa neċessarju għall-FinTech biex tiġġenera inklużjoni finanzjarja reali;

P.

billi l-leġiżlazzjoni, ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni għandhom jadattaw għall-innovazzjoni u jsibu l-bilanċ it-tajjeb bejn l-inċentivi għal protezzjoni innovattiva tal-konsumaturi u l-investituri u l-istabbiltà finanzjarja; billi l-FinTech tirrikjedi attitudni aktar ibbilanċjata bejn “ir-regolamentazzjoni tal-istituzzjoni” u “r-regolamentazzjoni tal-attività”; billi l-interazzjoni kumplessa bejn il-FinTech u r-regolamentazzjoni attwali tista' twassal għal assimetriji, peress li l-kumpaniji u l-fornituri ta' servizzi huma rregolati b'mod differenti anki meta jwettqu sostanzjalment l-istess attivitajiet u peress li xi attivitajiet mhumiex koperti sew mid-definizzjoni u/jew il-kamp ta' applikazzjoni fir-regolamentazzjoni attwali; billi l-qafas attwali tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri għas-servizzi finanzjarji ma jindirizzax l-innovazzjonijiet kollha tal-FinTech b'mod adegwat;

Q.

billi l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) bdew jidentifikaw ir-riskji u l-benefiċċji potenzjali tat-teknoloġiji finanzjarji innovattivi; billi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti qed jissorveljaw dawn l-iżviluppi teknoloġiċi u ħarġu b'approċċi differenti; billi sal-lum, l-iżvilupp ta' ekosistema tal-FinTech fl-Ewropa kien imxekkel minn regolamentazzjoni diverġenti bejn Stati Membri differenti u minn nuqqas ta' kollaborazzjoni bejn is-swieq; iqis li azzjoni deċiżiva tal-UE bl-għan li jitrawwem approċċ komuni għall-FinTech hija importanti fl-iżvilupp ta' ekosistema b'saħħitha tal-FinTech fl-Ewropa;

R.

billi l-FinTech tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskju fis-sistema finanzjarja b'deċentralizzazzjoni u b'dekonċentrazzjoni tar-riskji, b'ikklirjar u b'saldu aktar veloċi tal-pagamenti fi flus u ta' negozji ta' titoli, u mmaniġġjar tal-kollateral aħjar u ottimizzazzjoni tal-kapital;

S.

billi huwa mistenni li l-FinTech ikollha wħud mill-aktar impatti sinifikanti tagħha fuq il-katina tal-valur ta' wara n-negozjar, li tinkludi servizzi bħall-ikklirjar, is-saldu, il-kustodja tal-assi u r-rapportar regolatorju, meta teknoloġiji bħad-DLT jista' jkollhom il-potenzjal li jsawru mill-ġdid is-settur sħiħ; billi, fi ħdan din il-katina tal-valur, ċerti intermedjarji bħal kustodji, kontropartijiet ċentrali (CCPs) u depożitorji ċentrali tat-titoli jistgħu, fit-tul, isiru obsoleti filwaqt li xi funzjonijiet oħrajn se jibqa' jkollhom jitwettqu minn entitajiet regolati u indipendenti;

T.

billi r-RegTech tista' twassal għal benefiċċji konsiderevoli għall-istituzzjonijiet u s-superviżuri finanzjarji billi tippermetti li teknoloġiji ġodda jintużaw biex jiġu indirizzati rekwiżiti regolatorji u ta' konformità b'mod aktar trasparenti u effiċjenti u f'ħin reali;

U.

billi l-InsurTech tirreferi għal assisgurazzjoni magħmula possibbli jew ipprovduta permezz ta' teknoloġiji ġodda, pereżempju permezz tal-konsulenza awtomatizzata, il-valutazzjoni tar-riskju u l-Big Data, iżda anke permezz tal-assigurazzjoni kontra riskji ġodda bħall-attakki ċibernetiċi;

V.

billi jinħtieġ b'mod urġenti aċċess akbar għall-finanzjament għall-kumpaniji li jaħdmu fuq prodotti u servizzi tal-FinTech, u għas-sħab kummerċjali innovattivi li jfornuhom bil-materjal teknoloġiku meħtieġ sabiex jipprovdu dawn il-prodotti u s-servizzi, biex tingħata spinta lill-innovazzjoni finanzjarja fl-Ewropa, b'mod partikolari biex in-negozji ġodda jespandu; billi, f'dan il-kuntest, id-disponibbiltà tal-kapital ta' investiment bħala sors ta' finanzjament u l-preżenza ta' settur tat-teknoloġija b'saħħtu huma fatturi ewlenin għat-trawwim ta' ekosistema tal-FinTech dinamika fl-Ewropa;

W.

billi l-attakki ċibernetiċi huma theddida li qed tikber għall-infrastruttura diġitali kollha, u għaldaqstant anke għall-infrastruttura finanzjarja; billi s-settur finanzjarju huwa tliet darbiet aktar espost għar-riskju ta' attakki minn kwalunkwe settur ieħor; billi s-sikurezza, l-affidabbiltà u l-kontinwità tas-servizzi tiegħu huma prerekwiżiti għall-garanzija tal-fiduċja pubblika fis-settur; billi l-konsumaturi bl-imnut huma wkoll vulnerabbli ħafna għal attakki simili jew għal serq ta' identità;

X.

billi t-tagħmir ta' riċezzjoni ibridu huwa parti integrali tas-servizzi tal-FinTech; billi l-Internet tal-Oġġetti (IoT) huwa speċjalment vulnerabbli għaċ-ċiberattakki u, għalhekk, jirrappreżenta sfida partikolari għaċ-ċibersigurtà; billi sistema konnessa hija sikura biss daqs kemm ikun sikur l-aktar element dgħajjef tagħha;

Y.

billi, hekk kif il-FinTech tiżviluppa, il-konsumaturi u l-investituri jridu jkunu kapaċi jkomplu jiddependu fuq standards għoljin tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri, tal-protezzjoni tad-data u d-drittijiet għall-privatezza u tar-responsabbiltà legali min-naħa tal-fornituri tas-servizzi finanzjarji;

Z.

billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-FinTech, huwa importanti li jinħolqu qafas regolatorju koerenti u favorevoli u ambjent kompetittiv li jistgħu jippermettu lill-FinTech tiżviluppa u tagħmel użu minn diversi għodod innovattivi għal kriptaġġ sikur u identifikazzjoni u awtentikazzjoni online b'interfaċċa sempliċi;

AA.

billi l-awtomatizzazzjoni fis-settur finanzjarju, bħal f'setturi oħra, tista' tfixkel tendenzi eżistenti ta' impjieg; billi t-titjib u l-iżvilupp tat-taħriġ u tat-taħriġ mill-ġdid fil-ħiliet se jkollhom bżonn jitqiegħdu fil-qalba ta' kull strateġija Ewropea għall-FinTech;

AB.

billi, minħabba l-effetti tan-netwerk, l-istruttura tas-suq f'diversi oqsma tal-ekonomija diġitali hija mmirata lejn numru żgħir ta' parteċipanti fis-suq u din timponi sfidi fl-oqsma tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-liġi tal-antitrust;

Definizzjoni ta' qafas tal-UE għall-FinTech

1.

Jilqa' l-iżviluppi l-ġodda fil-qasam tal-FinTech, u jistieden lill-Kummissjoni tfassal Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech komprensiv fil-qafas tal-istrateġiji tagħha tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) u tas-Suq Uniku Diġitali (DSM), li jista' jikkontribwixxi b'mod ġenerali għall-kisba ta' sistema finanzjarja Ewropea effiċjenti u kompetittiva, aktar profonda u aktar integrata u stabbli u sostenibbli, jipprovdi benefiċċji fit-tul għall-ekonomija reali u jindirizza l-ħtiġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri u taċ-ċertezza regolatorja;

2.

Jilqa' l-ħolqien riċenti tat-Task Force tal-FinTech, li għandu r-rwol li jivvaluta l-innovazzjoni f'dan il-qasam u, fl-istess ħin, jiżviluppa strateġiji biex jintlaħqu l-isfidi potenzjali kkawżati mill-FinTech, kif ukoll it-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-FinTech mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament fil-ħidma tat-Task Force tal-FinTech; iqis dawn l-inizjattivi riċenti tal-Kummissjoni bħala pass fundamentali lejn l-iżvilupp mill-Kummissjoni ta' strateġija komprensiva għall-FinTech u għat-tnaqqis tal-inċertezza regolatorja għall-FinTech;

3.

Iqis li l-FinTech tista' tgħin sabiex l-inizjattivi tas-CMU jiksbu suċċess, pereżempju billi jiġu diversifikati l-opzjonijiet ta' finanzjament fl-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tisfrutta l-benefiċċji tal-FinTech fit-tmexxija 'l quddiem tas-CMU;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta approċċ proporzjonat, transettorjali u olistiku għall-ħidma tagħha fuq il-FinTech, billi tislet tagħlimiet minn dak li jsir f'ġurisdizzjonijiet oħra u tadatta għad-diversità tal-atturi u l-mudelli ta' negozju li jsir użu minnhom; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi bħala l-ewwel innovatur fejn ikun neċessarju sabiex toħloq ambjent aktar favorevoli għall-hubs u d-ditti tal-FinTech Ewropej biex jespandu;

5.

Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji fil-livell tal-UE u dak nazzjonali għandha tiġi riveduti meta jkun neċessarju u għandha tkun favorevoli biżżejjed għall-innovazzjoni, b'tali mod li jkunu jistgħu jinkisbu u jinżammu kundizzjonijiet ekwi bejn l-atturi; jirrakkomanda b'mod partikolari li, skont “il-Prinċipju ta' Innovazzjoni”, l-effetti potenzjali tal-leġiżlazzjoni dwar l-innovazzjoni jiġu vvalutati kif xieraq bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt, sabiex dawn l-iżviluppi jipprovdu bis-sħiħ “benefiċċji ekonomiċi u soċjali sinifikanti”;

6.

Jenfasizza li, bl-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi filwaqt li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal parteċipanti ġodda fis-suq u jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju fl-Istati Membri kollha u l-istatuses legali, il-leġiżlazzjoni u s-superviżjoni fil-qasam tal-FinTech għandhom ikunu bbażati fuq dawn il-prinċipji li ġejjin:

(a)

L-istess servizzi u l-istess riskji: għandhom japplikaw l-istess regoli, irrispettivament mit-tip ta' entità legali kkonċernata jew il-post tagħha fl-Unjoni;

(b)

Newtralità teknoloġika;

(c)

Approċċ ibbażat fuq ir-riskju, b'kunsiderazzjoni tal-proporzjonalità tal-azzjonijiet leġiżlattivi u superviżorji għar-riskji u l-materjalità tar-riskji;

7.

Jirrakkomanda li l-awtoritajiet kompetenti jippermettu u jħeġġu sperimentazzjoni kkontrollata b'teknoloġiji ġodda, kemm għal parteċipanti ġodda kif ukoll għal parteċipanti fis-suq eżistenti; jinnota li tali ambjent ikkontrollat għal sperimentazzjoni jista' jieħu l-forma ta' regulatory sandbox għas-servizzi tal-FinTech b'benefiċċji potenzjali għas-soċjetà, li jgħaqqad flimkien firxa wiesgħa ta' parteċipanti fis-suq u li diġà kiseb suċċess f'diversi Stati Membri; jissottolinja li impenn proattiv u progressiv mill-awtoritajiet, fi djalogu mal-parteċipanti fis-suq u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha l-oħra, huwa neċessarju u jista' jgħin lis-superviżuri u lir-regolaturi biex jiżviluppaw għarfien espert teknoloġiku; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw l-iżvilupp ta' għodod għall-ittestjar tal-istress finanzjarji u/jew operazzjonali għall-applikazzjonijiet tal-FinTech fejn jistgħu jikkawżaw riskji sistemiċi, li jkun komplimentari għall-ħidma tal-BERS;

8.

Jenfasizza li xi banek ċentrali diġà qed jesperimentaw b'munita diġitali tal-bank ċentrali (CBDC) kif ukoll b'teknoloġiji ġodda oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti fl-Ewropa jivvalutaw l-impatt tar-riskji u l-benefiċċji potenzjali ta' verżjoni bbażata fuq reġistru distribwit ta' CBDC u r-rekwiżiti relatati neċessarji f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tal-konsumaturi u t-trasparenza; iħeġġiġhom jesperimentaw ukoll, sabiex iżommu l-pass mal-iżviluppi fis-suq;

9.

Jenfasizza l-importanza li r-regolaturi u s-superviżuri jiżviluppaw biżżejjed għarfien espert tekniku biex jiskrutinizzaw b'mod adegwat is-servizzi tal-FinTech dejjem aktar kumplessi; jissottolinja li, permezz ta' dan l-iskrutinju fuq bażi kontinwa, ir-regolaturi se ikunu jistgħu jsibu u jantiċipaw riskji speċifiċi ta' teknoloġiji differenti u jieħdu passi immedjatament u b'aġenda ċara meta dan isir meħtieġ;

10.

Jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' punt uniku ta' servizz għall-fornituri u l-utenti tas-servizzi Fintech fi ħdan l-awtoritajiet regolatorji u superviżorji; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jitkissru dekompartimentalizzazzjonijiet superviżorji bejn is-setturi, u jirrakkomanda kooperazzjoni mill-qrib mis-superviżuri tas-settur finanzjarju ma' korpi nazzjonali u Ewropej rilevanti oħra li jkollhom l-għarfien espert teknoloġiku meħtieġ;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikoraġġixxu u jappoġġjaw aktar proġetti ta' riċerka relatati mal-FinTech;

12.

Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-innovazzjoni finanzjarja fl-Ewropa; jitlob aċċess iffaċilitat għal finanzjament għall-fornituri ta' servizzi finanzjarji innovattivi u għall-intrapriżi innovattivi li jfornuhom bil-materjal meħtieġ sabiex jipprovdu dawn is-servizzi;

13.

Jenfasizza li l-kumpaniji tal-FinTech jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-iżvilupp ta' intermedjazzjoni finanzjarja, iżda joħolqu wkoll xi riskji ġodda relatati mal-istabbiltà finanzjarja; jinnota li l-awtoritajiet regolatorji u superviżorji jirċievu ammont kbir ta' informazzjoni permezz tal-karti bilanċjali ta' istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti b'rabta mal-implimentazzjoni ta' ħafna oqfsa regolatorji bħar-rekwiżiti kapitali, il-proporzjon ta' ingranaġġ, il-proporzjon ta' likwidità u oħrajn, filwaqt li, fil-każ ta' entitajiet mhux bankarji li jisilfu bħall-finanzjament kollettiv u Bejn il-Pari (P2P), huwa diffiċli li tinkiseb biżżejjed informazzjoni mill-karti bilanċjali tagħhom dwar l-attivitajiet li jwettqu bħala intermedjarji finanzjarji; għalhekk, iħeġġeġ lill-awtoritajiet regolatorji u superviżorji jikkunsidraw kif jistgħu jiksbu l-informazzjoni superviżorja xierqa għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja u, fejn hemm bżonn, sabiex jimponu restrizzjonijiet regolatorji fuq il-karti bilanċjali tagħhom sabiex jiksbu u jżommu l-istabbiltà finanzjarja;

14.

Jenfasizza li r-RegTech għandha l-potenzjal li ttejjeb il-proċessi ta' konformità, b'mod partikolari l-kwalità u l-puntwalità tal-informazzjoni superviżorja, billi tagħmilhom anqas ikkumplikati u aktar kosteffiċjenti; jistieden lill-awtoritajiet jiċċaraw il-kundizzjonijiet legali li taħthom hija permessa l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet ta' konformità minn entità taħt superviżjoni lil partijiet terzi, waqt li jiżguraw li l-arranġamenti superviżorji xierqa fuq il-partijiet terzi jkunu fis-seħħ u li r-responsabbiltà legali għal konformità tibqa' f'idejn l-entità taħt superviżjoni; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti, b'mod partikolari l-Kummissjoni bħala parti mill-ħidma tagħha relatata mal-Forum Ewropew ta' Wara n-Negozjar, biex jadottaw approċċ proattiv biex jippruvaw jifhmu l-ostakli biex jintużaw soluzzjonijiet ġodda tal-FinTech u tar-RegTech fl-oqsma tal-proċessi ta' qabel u wara n-negozjar li huma koperti mid-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID), ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR), u r-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDR) u, fejn ma jeżisti l-ebda ostaklu, li jiċċaraw id-dritt ta' atturi li jużaw soluzzjonijiet bħal dawn bl-għan li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dawk il-biċċiet ta' leġiżlazzjoni;

15.

Jinnota li servizzi finanzjarji innovattivi għandhom ikunu disponibbli fl-UE kollha u għalhekk m'għandhomx jiġu mxekkla għalxejn mill-provvista transfruntiera fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ASE jissorveljaw u jevitaw trikkib tar-regolamentazzjoni, ostakli ġodda għad-dħul fis-suq u ostakli nazzjonali għal dawk is-servizzi; jistieden lill-Kummissjoni tipprevjeni l-ostakli bejn l-Istati Membri minħabba l-inkonsistenzi bejn ir-reġimi nazzjonali u tippromwovi l-aħjar prattiki fl-approċċi regolatorji tal-Istati Membri; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-ASE biex, meta jkun applikabbli, japplikaw reġimi ta' passaportar għal fornituri ta' servizzi finanzjarji ġodda offruti fl-Unjoni kollha; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni fl-indirizzar ta' kif l-UE tista' tgħin sabiex ittejjeb l-għażla, it-trasparenza u l-kompetizzjoni fis-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi għall-benefiċċju tal-konsumaturi Ewropej, u jenfasizza li jenħtieġ li dan l-għan ikun komplimentari għall-objettiv ta' tisħiħ tal-effiċjenza tas-sistema finanzjarja;

16.

Jilqa' l-fatt li madwar l-UE feġġ sett vibranti ta' komunitajiet tal-FinTech; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet relatati ta' governanza ekonomika tal-UE sabiex jaħdmu mill-qrib mal-hubs tal-FinTech, iżidu l-intraprenditorija intelliġenti ta' dawn il-komunitajiet u tal-impenji tagħhom, billi jħeġġu u jiffinanzjaw l-innovazzjoni u jilqgħuhom bħala sors ta' vantaġġ kompetittiv futur tal-UE fis-settur finanzjarju;

17.

Jinnota li n-negozji ġodda tal-FinTech huma partikolarment vulnerabbli għal entitajiet li jabbużaw mill-privattivi, li huma entitajiet li jixtru l-privattivi bl-intenzjoni li jħaddmuhom kontra negozji li diġà jkunu qed jużaw id-drittijiet tat-teknoloġija permezz ta' theddidiet ta' kawżi għal ksur tal-privattivi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza din is-sitwazzjoni u tissuġġerixxi miżuri għall-ġlieda kontra dawk li jabbużaw mill-privattivi fil-qasam tal-FinTech;

18.

Jenfasizza r-rwol potenzjali tal-FinTech għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, u b'hekk jikkontribwixxi għal żieda fl-effiċjenza tagħhom, pereżempju fil-qasam tal-ġbir tat-taxxa u l-prevenzjoni tal-frodi fiskali;

19.

Jenfasizza li minħabba l-effetti tan-netwerk, l-istruttura tas-suq f'diversi oqsma tal-ekonomija diġitali hija mmirata lejn numru żgħir ta' parteċipanti fis-suq u din tirrappreżenta sfidi fl-oqsma tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-liġi tal-antitrust; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tivvaluta l-adegwatezza tal-qafas regolatorju għall-kompetizzjoni għall-indirizzar tal-isfidi tal-ekonomija diġitali b'mod ġenerali u tal-FinTech b'mod partikolari;

20.

Jenfasizza li hemm skop għal titjib ulterjuri fil-mezzi li jistgħu jintużaw għall-pagamenti transfruntieri; jappoġġja l-iżvilupp ta' tali mezzi ta' pagamenti fl-Ewropa, u jiddispjaċih dwar il-livell għoli ta' frammentazzjoni tas-suq bankarju online fl-UE u n-nuqqas ta' skema madwar l-UE kollha, ta' karti tal-kreditu jew tad-debitu bi sjieda Ewropea; jemmen li dan huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-CMU, u huwa parti kruċjali tas-Suq Uniku Diġitali, li jrawwem il-kummerċ elettroniku Ewropew u l-kompetizzjoni transfruntiera fis-servizzi finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-passi li jmiss lejn il-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta' tali sistema; jirrikonoxxi l-ħtieġa li tali sistema tikkoeżisti u, meta jkun xieraq, tkun interoperattiva ma' soluzzjonijiet ta' pagamenti innovattivi oħra fl-interessi tal-kompetizzjoni;

21.

Jenfasizza li l-konsumaturi huma l-ixprun li wassal għaż-żieda tal-FinTech; jissottolinja li l-għan ta' kwalunkwe tibdil leġiżlattiv futur jenħtieġ li jkun li jappoġġja lill-konsumaturi f'din it-trasformazzjoni;

Data

22.

Ifakkar li l-ġbir u l-analiżi tad-data għandhom rwol ċentrali għall-FinTech, u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa ta' applikazzjoni konsistenti u teknoloġikament newtrali tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-data, inklużi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), id-Direttiva Riveduta dwar is-Servizzi ta' Pagament (PSD2), ir-Regolament dwar l-identifikazzjoni elettronika u servizzi ta' awtentikazzjoni (eIDAS), ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD4) u d-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni (NIS); jenfasizza li, sabiex tingħata spinta lill-finanzjament innovattiv fl-Ewropa, jenħtieġ fluss liberu ta' data fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri bl-għan li tiżgura li jintużaw elementi ta' data oġġettivi u rilevanti biss fil-kuntest tal-forniment ta' servizzi finanzjarji; jilqa' l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 dwar “l-ekonomija tad-data” (COM(2017)0009), li għandha tipprovdi evidenza u tistabbilixxi jekk jeżistux jew le ostakli għall-flus liberu tad-data fl-Unjoni kollha;

23.

Jenfasizza l-bżonn ta' regoli ċari dwar is-sjieda, l-aċċess u t-trasferiment tad-data; jixħet dawl fuq il-fatt li ammonti dejjem ikbar ta' data qed jiġu ġġenerati minn magni jew minn proċessi bbażati fuq teknoloġiji emerġenti, bħat-tagħlim tal-magni; jenfasizza li l-GDPR jipprovdi qafas legali ċar dwar id-data personali iżda li hemm bżonn ta' aktar ċertezza tad-dritt rigward kategoriji oħrajn ta' data; f'dan ir-rigward, jemmen li għandha ssir distinzjoni ċara bejn data mhux ipproċessata u data li tirriżulta minn ipproċessar ulterjuri;

24.

Jenfasizza li l-ibbankjar miftuħ u l-kondiviżjoni tad-data jikkontribwixxu għall-iżgurar li l-mudelli ta' negozju FinTech kollha jistgħu jevolvu flimkien, għall-benefiċċju tal-konsumaturi; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-kisbiet riċenti tal-PSD2 dwar bidu ta' pagamenti u aċċess għal data dwar kontijiet;

25.

Jixħet dawl fuq il-fatt li l-benefiċċji li jista' jkollu l-cloud computing għall-konsumaturi u għall-fornituri ta' servizzi finanzjarji, f'termini tal-kosteffiċjenza, tal-inqas żmien għat-tqegħid fis-suq u ta' użu aħjar tar-riżorsi tal-ICT; jinnota li m'hemmx regoli jew linji gwida Ewropej ċari u komprensivi għall-esternalizzazzjoni tad-data għall-cloud fir-rigward tas-settur finanzjarju; jenfasizza l-ħtieġa għall-iżvilupp ta' tali linji gwida u għal approċċ komuni għall-użu ta' cloud computing f'awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs); jenfasizza li regoli jew linji gwida bħal dawn huma neċessarji sabiex iwasslu aġilità u veloċità għall-adozzjoni tal-cloud; jissottolinja li standards għoljin ta' sigurtà tad-data u ta' protezzjoni tal-konsumaturi għandhom ikunu parti minn dawn il-linji gwida; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ASE jistudjaw il-possibbiltajiet differenti f'dan ir-rigward, bħal kuntratti approvati minn qabel bejn il-fornituri ta' servizzi tal-cloud u l-istituzzjonijiet finanzjarji;

26.

Josserva n-neċessità ta' ħolqien ta' aktar għarfien fost il-konsumaturi rigward il-valur tad-data personali tagħhom; jinnota li l-konsumaturi jistgħu jidħlu f'kuntratti biex jikkondividu kontenut diġitali bi skambju ta' pagament ta' tariffa; jissottolinja li dan jista' jwassal għal benefiċċji ekonomiċi iżda jista' jintuża b'mod diskriminatorju wkoll; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltà ta' strateġija Ewropea għall-kondiviżjoni tad-data bl-għan li jkollha l-objettiv li tqiegħed lill-konsumaturi fil-kontroll tad-data tagħhom; jemmen li approċċ ċar iffokat fuq il-konsumaturi se jżid il-fiduċja fis-servizzi bbażati fuq il-cloud u jistimola servizzi innovattivi ġodda offruti minn atturi diversi fil-katina tal-valur finanzjarju, eż. bl-użu ta' interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs) jew bl-iffaċilitar ta' aċċess dirett għad-data għal servizzi tal-pagamenti elettroniċi; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-potenzjal futur tas-Sistemi ta' Informazzjoni Personali Maniġerjali (PIMS) bħala għodod tekniċi sabiex il-konsumaturi jimmaniġġjaw id-data personali tagħhom;

27.

Ifakkar, fil-kuntest taż-żieda fl-użu tad-data tal-konsumaturi jew big data minn istituzzjonijiet finanzjarji, id-dispożizzjonijiet tal-GDPR li jagħti lis-suġġett tad-data d-dritt li jikseb spjegazzjoni ta' deċiżjoni meħuda bl-ipproċessar awtomatizzat u li jikkontesta din id-deċiżjoni (4); jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit li data żbaljata tkun tista' tinbidel u li tintuża biss data rilevanti u li tista' tiġi verifikata. jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha isaħħu l-isforzi bl-għan li jiggarantixxu l-infurzar ta' dawn id-drittijiet; huwa tal-fehma li l-kunsens mogħti għall-użu ta' data personali jrid ikun dinamiku u li suġġetti tad-data jridu jkunu jistgħu jbiddlu u jadattaw il-kunsens tagħhom;

28.

Jinnota li ż-żieda fl-użu tad-data tal-konsumaturi jew big data minn istituzzjonijiet finanzjarji tista' twassal għal benefiċċji għall-konsumaturi, bħall-iżvilupp ta' offerti aktar imfassla apposta, issegmentati u orħos ibbażati fuq allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riskju u l-kapital; jinnota, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp tal-ipprezzar dinamiku u l-potenzjal tiegħu li jwassal għall-effett oppost, li jista' jkun ta' ħsara għall-komparabbiltà tal-offerti u l-kompetizzjoni effettiva u għar-raggruppament u l-mutwalizzazzjoni tar-riskji, pereżemju fis-settur tal-assigurazzjoni;

29.

Jirrikonoxxi l-kombinament li qed jiżdied ta' data u algoritmi personali sabiex jiġu pprovduti servizzi bħar-robo-advice; jenfasizza l-potenzjal ta' effiċjenza tar-robo-advice u l-effetti pożittivi tiegħu fuq l-inklużività finanzjarja; jenfasizza li, potenzjalment, żbalji jew preġudizzji fl-algoritmi jew fid-data sottostanti jistgħu jikkawżaw riskju sistemiku u dannu lill-konsumaturi, pereżempju permezz ta' esklużjoni li qed tiżdied; jitlob lill-Kummissjoni u lill-ASE jimmonitorjaw dawn ir-riskji sabiex jiġi żgurat li l-awtomatizzazzjoni fil-konsulenza finanzjarja tkun tista' toħloq realment konsulenza aħjar, trasparenti, aċċessibbli u kosteffiċjenti, u biex jindirizzaw iż-żieda fid-diffikultà tal-ittraċċar ta' responsabbiltà għal danni kkawżati minn dawn ir-riskji fil-qafas ta' responsabbiltà legali attwali għall-użu tad-data; jissottolinja li għar-robo-advice għandhom japplikaw l-istess dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur bħall-konsulenza wiċċ imb wiċċ;

Is-sigurtà ċibernetika u r-riskji tal-ICT

30.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' sigurtà minn punt għall-ieħor fil-katina tal-valur kollha tas-servizzi finanzjarji; jirrimarka dwar ir-riskji kbar u diversi mill-attakki ċibernetiċi kontra l-infrastruttura tas-swieq finanzjarji, l-Internet tal-Oġġetti, il-muniti u d-data tagħna; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel iċ-ċibersigurtà l-ewwel prijorità fil-Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech, u jistieden lill-ASE u lill-BĊE fir-rwol tas-superviżjoni bankarja tiegħu sabiex jagħmluha element ewlieni tal-programmi regolatorji u superviżorji tagħhom;

31.

Jistieden lill-ASE, f'kooperazzjoni mar-regolaturi nazzjonali, jirrieżaminaw regolarment l-istandards operattivi li jkopru r-riskji tal-ICT tal-istituzzjonijiet finanzjarji; jitlob, barra minn hekk, minħabba l-livelli differenti ta' protezzjoni fl-istrateġiji taċ-ċibersigurtà tal-Istati Membri, li jitfasslu linji gwida tal-ASE dwar is-superviżjoni ta' dawn ir-riskji; jenfasizza l-importanza tal-għarfien espert teknoloġiku fl-ASE biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom; iħeġġeġ aktar riċerka f'dan il-qasam;

32.

Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm skambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn is-superviżuri, kif ukoll ir-regolaturi u l-gvernijiet fil-livelli rispettivi tagħhom, bejn ir-riċerkaturi u l-parteċipanti fis-suq u bejn il-parteċipanti fis-suq innifshom; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-parteċipanti fis-suq u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) biex jesploraw il-potenzjal tat-trasparenza u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bħala għodod kontra ċ-ċiberattakki; jissuġġerixxi li jiġu esplorati l-benefiċċji potenzjali ta' punt uniku ta' kuntatt għall-parteċipanti fis-suq f'dan ir-rigward kif ukoll li jiġi kkunsidrat approċċ aktar koordinat fl-investigazzjoni taċ-ċiberkriminalità fil-qasam tas-servizzi finanzjarji fid-dawl tal-karattru dejjem aktar transfruntier tagħhom;

33.

Jissottolinja li r-regolament dwar il-forniment tal-infrastruttura tas-servizzi finanzjarji jrid jipprevedi strutturi xierqa ta' inċentivi għall-fornituri sabiex jinvestu b'mod adegwat fiċ-ċibersigurtà;

34.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw it-traspożizzjoni f'waqtha tad-Direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi ta' informazzjoni (id-Direttiva NIS); jilqa' s-sħubija pubblika-privata ġdida dwar iċ-ċibersigurtà mnedija reċentement mill-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni tal-industrija; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa sensiela ta' inizjattivi ġodda u konkreti biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-intrapriżi FinTech f'dan is-settur, b'mod speċjali tal-SMEs u tan-negozji ġodda, kontra l-attakki ċibernetiċi;

35.

Jinnota li l-fiduċja pubblika fit-teknoloġiji kkonċernati hija vitali għat-tkabbir futur tal-FinTech, u jindika l-ħtieġa ta' edukazzjoni u sensibilizzazzjoni aħjar dwar l-impatt pożittiv tal-FinTech fuq l-attivitajiet ta' kuljum, iżda wkoll rigward ir-riskji għas-sikurezza tan-netwerk u l-informazzjoni għaċ-ċittadini u n-negozji, b'mod partikolari l-SMEs;

36.

Jilqa' l-isforzi kontinwi fil-qasam tal-istandardizzazzjoni li jagħmlu t-tagħmir ta' riċezzjoni ibridu aktar sikur; madankollu, jissottolinja li s-sikurezza trid tiġi offruta lil hinn minn livell minimu ta' standardizzazzjoni, speċjalment għaliex il-prekawzjonijiet standardizzati uniformi għas-sigurtà jżidu r-riskju ta' ksur mifrux tas-sigurtà minħabba effett domino possibbli; iħeġġeġ bil-qawwa lill-kumpaniji jiżviluppaw risponsi proprji eteroġeni għas-sigurtà tal-apparati u tal-operazzjonijiet tagħhom;

Blockchains

37.

Jissottolinja l-potenzjal tal-applikazzjonijiet blockchain għat-trasferiment tal-flus u tat-titoli, kif ukoll għall-faċilitazzjoni ta' “kuntratti intelliġenti” li jiftħu firxa wiesgħa ta' possibbiltajiet għaż-żewġ naħat tal-kuntratti finanzjarji, b'mod partikolari l-arranġamenti ta' finanzjament tal-kummerċ u self kummerċjali, li għandhom il-possibbiltà li jissimplifikaw relazzjonijiet kuntrattwali kummerċjali u finanzjarji kumplessi fuq livelli minn negozju għal negozju (B2B) u min-negozju għall-konsumatur (B2C); jenfasizza li pjattaformi blockchain huma wkoll adatti għas-simplifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet kumplessi B2B u B2C;

38.

Ifakkar fil-benefiċċji u r-riskji ta' applikazzjonijiet blockchain mhux permessi; jistieden lill-Kummissjoni torganizza darba fis-sena konferenza għad-diversi partijiet ikkonċernati dwar dan is-suġġett; huwa preokkupat biż-żieda fl-użu ta' applikazzjonijiet blockchain mhux permessi għal attivitajiet kriminali, evażjoni tat-taxxa, evitar tat-taxxa u ħasil tal-flus; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib dawn is-sitwazzjonijiet, inkluż ir-rwol f'dan il-proċess, u tindirizzahom f'rapport;

Interoperabbiltà

39.

Jirrikonoxxi l-importanza ta' APIs, bħala komplement għal għodod oħra li jistgħu jintużaw mill-konsumatur fl-għoti ta' aċċess lil atturi ġodda għall-infrastruttura finanzjarja; jirrakkomanda l-ħolqien ta' sett ta' APIs standardizzati li jistgħu jintużaw mill-fornituri, pereżempju fil-qasam tal-ibbankjar miftuħ, b'mod parallel mal-possibbiltà li t-tali fornituri jfasslu s-softwer tagħhom stess;

40.

Iqis li l-interoperabbiltà tas-servizzi tal-FinTech, fi ħdan l-Ewropa u permezz tal-impenn ma' ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi u ma' setturi ekonomiċi oħra, hija kundizzjoni ewlenija għall-iżvilupp futur tas-settur tal-FinTech Ewropew u l-materjalizzazzjoni sħiħa tal-opportunitajiet li tista' tiġġenera; iħeġġeġ l-istandardizzazzjoni tal-formati tad-data fejn ikun possibbli, bħal fil-każ tal-PSD2 għall-iffaċilitar ta' din;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-ħidma tal-Istati Membri u l-parteċipanti fis-suq biex tiżgura l-interoperabbiltà bejn l-iskemi nazzjonali differenti ta' identifikazzjoni elettronika; jenfasizza li l-użu ta' dawn l-iskemi għandu jkunu miftuħ għas-settur privat; Jemmen li mezzi ta' identifikazzjoni remota li mhumiex stabbiliti fir-regolament eIDAS għandhom ikunu aċċettabbli wkoll, dment li jkunu ta' livell ta' sigurtà ekwivalenti għal-livell ta' garanzija sostanzjali tal-eIDAS, u li, b'hekk, ikunu kemm sikuri kif ukoll interoperabbli;

42.

Jenfasizza l-importanza tal-interoperabbiltà ta' soluzzjonijiet ta' pagamenti tradizzjonali u ġodda sabiex jinkiseb suq tal-pagamenti Ewropew integrat u innovattiv;

43.

Jitlob lill-ASE jidentifikaw f'liema każijiet l-awtentikazzjoni mmirata jew ibbażata fuq ir-riskju tista' tkun alternattiva għal awtentikazzjoni b'saħħitha; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tinvestiga jekk il-proċessi ta' awtentikazzjoni b'saħħitha jistgħux jiġu eżegwiti wkoll minn entitajiet oħrajn apparti l-banek;

44.

Jistieden lill-ASE, f'kooperazzjoni mar-regolaturi nazzjonali, jiżviluppaw standards u liċenzji teknoloġikament newtrali għal tekniki ta' “kun af il-klijent tiegħek” u ta' identifikazzjoni remota, pereżempju abbażi ta' kriterji bijometriċi, li jirrispettaw il-privatezza tal-utenti;

L-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri

45.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċifika, fit-tfassil tal-pjan ta' azzjoni tal-FinTech, lill-ħtiġijiet tal-konsumaturi u l-investituri bl-imnut u r-riskji li jistgħu jkunu vulnerabbli għalihom, fid-dawl tal-espansjoni li dejjem qed tiżdied tal-FinTech fis-servizzi għall-klijenti mhux professjonali, pereżempju fil-finanzjament kollettiv u s-self bejn il-pari; jenfasizza li l-istess standards tal-protezzjoni tal-konsumaturi għas-servizzi tal-FinTech japplikaw ukoll għal servizzi finanzjarji oħra, irrispettivament mill-kanal ta' distribuzzjoni jew il-post tal-konsumatur;

46.

Jistieden lill-ASE ikomplu u jaċċeleraw il-ħidma li għaddejja tagħhom dwar il-monitoraġġ tal-iżviluppi teknoloġiċi u l-analiżi tal-benefiċċji u r-riskji potenzjali tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri u tal-inklużjoni finanzjarja;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga kemm il-FinTech tista' tgħin sabiex il-konsumaturi jiġu pprovduti b'konsulenza finanzjarja ta' kwalità aħjar u jekk il-qafas regolatorju frammentat tal-UE li jittratta l-konsulenza huwiex biżżejjed sabiex jakkomodahom;

48.

Jikkunsidra li għad hemm inċertezza regolatorja konsiderevoli dwar l-InsurTech, u jenfasizza li din teħtieġ li tiġi indirizzata sabiex jiġu żgurati sigurtà, privatezza, kompetizzjoni ġusta u stabbiltà finanzjarja; jenfasizza li ċertezza tad-dritt aħjar se tgħin sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi ta' kumpaniji tal-InsurTech li mhumiex irregolati sew ma jisfawx vittma ta' telf jew ta' bejgħ skorrett u se tgħin kemm lill-kumpaniji kif ukoll lill-konsumaturi jużaw aħjar is-soluzzjonijiet tal-InsurTech;

49.

Jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-istabbiltà finanzjarja tissaħħaħ matul l-iżvilupp tas-soluzzjonijiet tal-FinTech; iħeġġeġ l-eżaminazzjoni ta' teknoloġija b'sors miftuħ u evalwata bejn il-pari bħala mezz għall-kisba ta' dan l-għan; jistieden lill-ASE jissieħbu mal-atturi mis-settur privat fl-iżvilupp u fl-evalwazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi li għandhom il-potenzjal li jissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja u jżidu l-protezzjoni tal-konsumatur, pereżempju billi jimmitigaw il-preġudizzju jew billi jżidu l-għarfien fost il-konsumaturi dwar it-theddidiet ċibernetiċi;

50.

Jinnota li d-diversità u l-kompetizzjoni fost il-parteċipanti fis-suq huma fatturi kritiċi li jikkontribwixxu għall-istabbiltà finanzjarja; jistieden lir-regolaturi u lis-superviżuri jissorveljaw l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq is-sitwazzjoni kompetittiva fi ħdan is-segmenti rilevanti kollha tas-settur finanzjarju, u jfasslu u jużaw għodod għall-prevenzjoni jew għar-rimedju ta' mġiba antikompetittiva jew ta' tfixkil tal-kompetizzjoni;

Edukazzjoni finanzjarja u ħiliet tal-IT

51.

Jenfasizza li kemm il-kompetenza finanzjarja kif ukoll il-kompetenza diġitali huma fatturi kruċjali għall-użu effiċjenti tal-FinTech u għal livelli aktar baxxi ta' riskju fl-ambjent tal-FinTech;

52.

Jenfasizza li l-edukazzjoni finanzjarja xierqa tal-konsumaturi u l-investituri bl-imnut hija neċessarja sabiex il-FinTech issir għodda reali għall-inklużjoni finanzjarja u sabiex tippermetti lil dawk il-konsumaturi u l-investituri li dejjem qed ikunu aktar esposti għal prodotti u servizzi ta' investiment finanzjarju personalizzati immedjatament aċċessibbli li jieħdu deċiżjonijiet finanjarji tajbin b'mod awtonomu dwar dawk l-offerti u li jifhmu r-riskji kollha li ġejjin mill-użu ta' dawn it-teknoloġiji innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ASE jżidu l-appoġġ tagħhom għall-inizjattivi li jtejbu l-edukazzjoni finanzjarja; jenfasizza li t-taħriġ vokazzjonali u l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumaturi u tal-investituri għandhom ikunu faċilment aċċessibbli;

53.

Ifakkar fil-previżjoni tal-Kummissjoni li sal-2020 l-Ewropa jista' jkun li tkun qed taffaċċja nuqqas ta' 825 000 professjonist fil-qasam tal-ICT; jemmen li hemm bżonn ta' aktar speċjalisti tal-informatika, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jħejju għat-tibdil fis-suq tax-xogħol li jista' jseħħ ferm aktar malajr minn dak li nistennew illum;

54.

Jissottolinja l-ħtieġa li jiżdiedu l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali fi ħdan is-settur finanzjarju, fi ħdan il-korpi regolatorji u fi ħdan is-soċjetà kollha kemm hi, inkluż it-taħriġ vokazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-aħjar prattiki fil-kuntest tal-Koalizzjoni tagħha għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali;

o

o o

55.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0228.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0358.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2016)0434.

(4)  Ara l-premessa 71 tal-GDPR.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/67


P8_TA(2017)0214

Qoton ġenetikament modifikat GHB119

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D050182 – 2017/2675(RSP))

(2018/C 307/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D050182),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3), 9(2), 19(3) u 21(2) tiegħu,

wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, fis-27 ta' Marzu 2017, fejn ma ngħatat l-ebda opinjoni,

wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (2),

wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fil-21 ta' Settembru 2016, u ppubblikata fil-21 ta' Ottubru 2016 (3);

wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (4),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, fil-25 ta' Marzu 2011, Bayer ressqet applikazzjoni skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton GHB119 lill-awtorità kompetenti tan-Netherlands; billi dik l-applikazzjoni kopriet wkoll it-tqegħid fis-suq tal-qoton ġenetikament modifikat GHB119 fi prodotti li jkunu jikkonsistu jew li jkun fihom minn dan il-qoton għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kull tip ta' qotton ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

B.

billi fil-21 ta' Settembru 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fil-21 ta' Ottubru 2016;

C.

billi l-identifikatur uniku BCS-GHØØ5–8 assenjat lill-qoton GHB119, kif deskritt fl-applikazzjoni, jesprimi l-proteina PAT li tagħti tolleranza għall-erbiċidi abbażi tal-glufosinat-ammonju u l-proteina Cry2Ae li tagħti reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani; billi awtorizzazzjoni għall-importazzjoni ta' dan il-qoton fl-Unjoni mingħajr dubju twassal għal żieda fil-kultivazzjoni tiegħu f'partijiet oħra tad-dinja, b'żieda korrispondenti fl-użu tal-erbiċidi abbażi tal-glufosinat-ammonju;

D.

billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5); billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018;

E.

billi riċerka indipendenti tqajjem tħassib dwar nuqqasijiet kbar fil-valutazzjoni komparattiva, pereżempju l-fatt li, minkejja li differenzi statistikament sinifikanti fil-kompożizzjoni nstabu għal ħafna komposti, l-ebda investigazzjoni ulterjuri ma tqieset meħtieġa; tħassib dwar nuqqasijiet serji rigward il-valutazzjoni tat-tossikoloġija, pereżempju l-fatt li ġie kkunsidrat mod wieħed biss ta' azzjoni tat-tossini Bt, li ma twettqet l-ebda investigazzjoni dwar l-effetti kombinatorji u li ma saret l-ebda valutazzjoni tar-residwi tal-pestiċidi; u tħassib dwar valutazzjoni mhux konklużiva tal-impatt possibbli fuq is-sistema immunitarja (6);

F.

billi, matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur, l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi; billi dawk il-kummenti jirreferu għal, fost l-oħrajn: data nieqsa rigward l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni ta' residwi ta' erbiċidi u ta' metaboliti fil-pjanti ġenetikament modifikati u fiż-żrieragħ użati għall-ikel/għalf, nuqqasijiet fil-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u fil-pjan ta' monitoraġġ ambjentali li jirrigwardjaw, fost l-oħrajn, fehmiet differenti dwar jekk organiżmi qraba selvaġġi kinux irrappurtati fl-Ewropa, jew data nieqsa rigward il-qawwa ta' ġerminazzjoni taż-żerriegħa importata, kif ukoll il-fatt li ma ġie kkunsidrat l-ebda effett mhux intenzjonat; billi xi wħud mill-kummenti komplew jikkritikaw b'mod ġenerali l-bażi ta' data defiċjenti ħafna u, b'mod aktar speċifiku, il-fatt li ġie kkunsidrat biss għadd limitat ħafna ta' studji u li, pereżempju, ma twettaq l-ebda test tat-tossiċità xieraq bil-materjal tal-pjanti mill-qoton GHB119, kif ukoll l-ebda studju xieraq dwar l-effett tal-qoton ġenetikament modifikat fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u li l-istudju nutrizzjonali ppreżentat ma ġiex ikkunsidrat ammissibbli (7);

G.

billi, minkejja l-preokkupazzjonijiet kollha msemmija hawn fuq, l-EFSA qieset li ma kien hemm bżonn tal-ebda monitoraġġ ta' wara t-tqegħid fis-suq ta' ikel/għalf derivat minn qoton GHB119;

H.

billi ma ngħatat l-ebda opinjoni fil-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fis-27 ta' Marzu 2017; billi 15-il Stat Membru vvutaw kontra, filwaqt li kienu biss 11-il Stat Membru, li jirrapreżentaw biss 38,69 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni, li vvutaw favur, filwaqt li 2 Stati Membri astjenew;

I.

billi, kemm fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha għall-proposta leġiżlattiva ppreżentata fit-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' ikel u għalf modifikat ġenetikament fit-territorju tagħhom (COM(2015)0177) kif ukoll fil-memorandum ta' spjegazzjoni dwar il-proposta leġiżlattiva ppreżentata fl-14 ta' Frar 2017 li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni ġew adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitat tal-Istati Membri u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li hi verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, saret in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni ta' ikel u għalf ġenetikament modifikat; billi l-President tal-Kummissjoni Juncker diversi drabi ddeplora din il-prattika bħala waħda li mhijiex demokratika (8);

J.

billi l-Parlament ċaħad il-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fit-28 ta' Ottubru 2015 fl-ewwel qari (9) u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tippreżenta proposta ġdida;

K.

billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, b'mod ċar tiddikjara li: “Meta tkun qed tikkunsidra l-adozzjoni ta' abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni oħrajn li jikkonċernaw setturi partikolarment sensittivi, b'mod partikolari t-tassazzjoni, is-saħħa tal-konsumaturi, is-sikurezza fl-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni, sabiex issib soluzzjoni bbilanċjata, sejra, safejn ikun possibbli, timxi b'mod li jevita konflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tirriżulta fil-kumitat ta' appell li tikkontesta l-adegwatezza ta' att ta' implimentazzjoni.”;

1.

Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.

Iqis li l-abbozz ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.

Jitlob lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati sakemm il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li jirriżulta li mhijiex adegwata;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(3)  Disponibbli fis-sit: https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4586

(4)  

Ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110),

Ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, li jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (P8_TA(2015)0456),

Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (P8_TA(2016)0040),

Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (P8_TA(2016)0039),

Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) (P8_TA(2016)0038),

Ir-Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta mill-events (P8_TA(2016)0271),

Ir-Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (P8_TA(2016)0272),

Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (P8_TA(2016)0388),

Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (P8_TA(2016)0389),

Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (P8_TA(2016)0386),

Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (P8_TA(2016)0387),

Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (P8_TA(2016)0390),

Ir-Riżoluzzjoni tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (P8_TA(2017)0123).

(5)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(6)  Bauer-Panskus/Then: Kumment ta' Testbiotech rigward l-Opinjoni Xjentifika dwar l-applikazzjoni (EFSA-GMO-NL-2011–96) għat-tqegħid fis-suq ta' qoton ġenetikament modifikat reżistenti għall-insetti u tolleranti għall-erbiċidi GHB119 minn Bayer CropScience AG, disponibbli fis-sit: https://www.testbiotech.org/node/1860

(7)  http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2011-00311

(8)  eż. fid-Dikjarazzjoni inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014) jew fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016).

(9)  Testi adottati, P8_TA(2015)0379.

(10)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/71


P8_TA(2017)0215

Qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D050183 – (2017/2674(RSP))

(2018/C 307/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D050183),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3), 9(2), 19(3) u 21(2) tiegħu,

wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fis-27 ta' Marzu 2017, fejn ma ngħatat l-ebda opinjoni,

wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (2),

wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fis-26 ta' Ottubru 2016, u ppubblikata fil-5 ta' Diċembru 2016 (3),

wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (4),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, fil-11 ta' Novembru 2010, Dow AgroSciences Europe ressqet applikazjzoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qamħirrum DAS-40278-9 lill-awtorità nazzjonali kompetenti tan-Netherlands bi qbil mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi dik l-applikazzjoni kopriet wkoll it-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9 fi prodotti li jikkonsistu jew li fihom minn dan il-qamħirrum għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kull tip ta' qamħirrum ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

B.

billi, fis-26 ta' Ottubru 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fil-5 ta' Diċembru 2016 (5);

C.

billi l-qamħirrum DAS-40278–9 jesprimi l-proteina AAD-1 li tagħti tolleranza għall-erbiċidi 2,4-aċidu diklorofenoksijaċetiku (2,4-D) u ariloksifenoksipropjonat (AOPP);

D.

billi r-riċerka indipendenti qajmet tħassib dwar ir-riskji tal-ingredjent attiv tat-2,4-D fir-rigward tal-iżvilupp tal-embrijuni, il-malformazzjonijiet konġenitali u l-interferenti endokrinali; billi mhuwiex ċar jekk, u sa liema punt, il-prodotti 2,4-D jinkludu impuritajiet ta' dijossini u furani tossiċi ħafna, li huma karċinoġeni umani u interferenti endokrinali u li jippersistu fl-ambjent u li jakkumulaw fil-katina tal-ikel (6);

E.

billi fl-2015 ġiet imġedda l-approvazzjoni tas-sustanza attiva 2,4-D; billi l-preżenza ta' impuritajiet bħad-dijossini u l-furani kienet rikonoxxuta taħt ċerti livelli; billi l-applikant għad irid jippreżenta l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi edokrinali potenzjali tas-sustanza (7);

F.

billi m'hemmx dubju li l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni tal-qamħirrum DAS-40278-9 fl-Unjoni se twassal għal żieda fil-kultivazzjoni tiegħu f'postijiet oħrajn, bħall-Istati Uniti, il-Brażil u l-Arġentina, kif ukoll għal żieda ekwivaenti fl-użu tal-erbiċidi 2,4-D u AOPP; billi r-riċerka indipendenti tqajjem ukoll tħassib dwar id-diskrepanzi ewlenin fil-valutazzjoni komparattiva, diskrepanzi serji fir-rigward tal-valutazzjoni tossikoloġika (pereżempju, il-fatt li, fi studju dwar l-għalf, ma ntalabx li jsir ittestjar tal-pjanta sħiħa li ma tqisux l-effetti fit-tul jew l-effetti kumulattivi, li ma kienx diskuss l-impatt fuq is-sistemi riproduttivi, kif ukoll in-nuqqasijiet metodoloġiċi fl-istudji dwar l-annimali), u valutazzjoni inkonklussiva tal-possibbiltà ta' impatt fuq is-sistema immunitarja (8);

G.

billi matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi; billi dawk il-kummenti jirreferu għal, inter alia: nuqqas ta' data, jew data insuffiċjenti, spjegazzjonijiet neqsin, dikjarazzjonijiet kontradittorji fl-applikazzjoni, disinn defiċjenti tat-test, testijiet neqsin, eż. dwar l-allerġeniċità, riżultati dubjużi tal-istudji ta' valutazzjoni tas-sikurezza, in-nuqqas ta' kwalunkwe tip ta' studju ta' tossiċità subkronika ta' 90 jum dwar l-ikel sħiħ, li jagħmluha impossibli li jiġi evalwat ir-riskju potenzjali tal-konsum ta' prodotti tal-ikel magħmula mill-qamħirrum, u l-għażla u d-disinn tal-istudji kkunsidrati għall-valutazzjoni tar-riskju (9);

H.

billi, minkejja dan it-tħassib kollu, l-EFSA qieset li ma kien jeħtieġ l-ebda monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq tal-ikel/għalf li joriġina mill-qamħirrum DAS-40278–9;

I.

billi l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fis-27 ta' Marzu 2017 ma tat l-ebda opinjoni; billi 16-il Stat Membru vvutaw kontra, filwaqt li biss 9 Stati Membri li jirrappreżentaw biss 36,22 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni vvutaw favur, filwaqt li 3 Stati Membri astjenew;

J.

billi, kemm fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha għall-proposta leġiżlattiva ppreżentata fit-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' ikel u għalf modifikat ġenetikament fit-territorju tagħhom (COM(2015)0177) u fil-memorandum ta' spjegazzjoni dwar il-proposta leġiżlattiva ppreżentata fl-14 ta' Frar 2017 li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni ġew adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitat tal-Istati Membri u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li hi verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, saret in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni ta' ikel u għalf ġenetikament modifikat; billi l-President tal-Kummissjoni Juncker diversi drabi ddeplora din il-prattika bħala waħda li mhijiex demokratika (10);

K.

billi l-Parlament ċaħad il-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fit-28 ta' Ottubru 2015 fl-ewwel qari (11) u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tippreżenta proposta ġdida;

L.

billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, b'mod ċar tiddikjara li: “Meta tkun qed tikkunsidra l-adozzjoni ta' abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni oħrajn li jikkonċernaw setturi partikolarment sensittivi, b'mod partikolari t-tassazzjoni, is-saħħa tal-konsumaturi, is-sikurezza fl-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni, sabiex issib soluzzjoni bbilanċjata, sejra, safejn ikun possibbli, timxi b'mod li jevita konflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tirriżulta fil-kumitat ta' appell li tikkontesta l-adegwatezza ta' att ta' implimentazzjoni”;

1.

Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.

Iqis li l-abbozz ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.

Jitlob lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati sakemm il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li jirriżulta li mhijiex adegwata;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(3)  https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4633

(4)  

Ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110),

Ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 x 25 jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu (P8_TA(2015)0456),

Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (P8_TA(2016)0040),

Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (P8_TA(2016)0039),

Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) (P8_TA(2016)0038),

Ir-Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta mill-events (P8_TA(2016)0271),

Ir-Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (P8_TA(2016)0272),

Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (P8_TA(2016)0388),

– Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (P8_TA(2016)0389),

– Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (P8_TA(2016)0386),

– Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (P8_TA(2016)0387),

– Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (P8_TA(2016)0390),

– Ir-Riżoluzzjoni tal-5 ta' April 2017 tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (P8_TA(2017)0123).

(5)  Disponibbli fis-sit: https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4633

(6)  http://www.pan-europe.info/sites/pan-europe.info/files/public/resources/reports/pane-2014-risks-of-herbicide-2-4-d.pdf

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2033 tat-13 ta' Novembru 2015 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva 2,4-D, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 298, 14.11.2015, p. 8).

(8)  Bauer-Panskus/Then: Testbiotech comment on EFSA Scientific Opinion on an application by DOW AgroSciences LLC (EFSA-GMO-NL-2010-89) for placing on the market the genetically modified herbicide-tolerant maize DAS-40278- 9 disponibbli fuq: https://www.testbiotech.org/node/1862

(9)  Ara r-Reġistru ta' Mistoqsijiet tal-EFSA, Anness G għal Mistoqsija Numru EFSA-Q-2010-01326, disponibbli fis-sit: http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2010-01326

(10)  pereżempju fid-Dikjarazzjoni inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014) jew fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016).

(11)  Testi adottati, P8_TA(2015)0379.

(12)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/75


P8_TA(2017)0216

Is-sitwazzjoni fl-Ungerija

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2017/2656(RSP))

(2018/C 307/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 6 u 7 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 4, 12, 13, 14, 16, 18 u 21 tagħha,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-kawżi Szabó u Vissyl-Ungerija, Karácsony etl-Ungerija, Magyar Keresztény Mennonita Egyház etl-Ungerija, Bakal-Ungerija, u Ilias u Ahmedl-Ungerija,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati numerużi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem, li huma vinkolanti għall-Istati Membri kollha,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titlu “Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt” (COM(2014)0158),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Diċembru (1) u tal-10 ta' Ġunju 2015 (2) dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija (3), tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-ġrajjiet politiċi reċenti fl-Ungerija (4) u tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-liġi Ungeriża dwar il-midja (5),

wara li kkunsidra s-smigħ li sar fis-27 ta' Frar 2017 mill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ungerija,

wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tas-26 ta' April 2017dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-mexxejja ta' 27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta' Marzu 2017,

wara li kkunsidra l-Att CLXVIII tal-2007 dwar il-promulgazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, adottat mill-Assemblea Nazzjonali Ungeriża fis-17 ta' Diċembru 2007,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 2162 (2017) tas-27 ta' April 2017 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titlu “Alarming developments in Hungary: draft NGO law restricting civil society and possible closure of the European Central University” (Żviluppi allarmanti fl-Ungerija: abbozz ta' liġi dwar l-NGOs li tirrestrinġi s-soċjeta ċivili u l-għeluq possibbli tal-Università tal-Ewropa Ċentrali),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' Marzu 2017 dwar il-liġi l-ġdida tal-Ungerija li tippermetti d-detenzjoni awtomatika ta' persuni li jfittxu l-asil, u l-ittra tiegħu lill-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Ungerija tas-27 ta' April 2017 b'appell għal rifjut tal-liġi dwar l-NGOs iffinanzjati minn barra l-pajjiż,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiftaħ proċedura ta' ksur kontra l-Ungerija rigward l-att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, kif ukoll proċeduri ta' ksur pendenti u futuri kontra l-Ungerija,

wara li kkunsidra r-reazzjoni tal-Kummissjoni għall-Konsultazzjoni Nazzjonali Ungeriża “Inwaqqfu lil Brussell”,

wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissarju Avramopoulos fl-Ungerija fit-28 ta' Marzu 2017,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern lill-Viċi President Timmermans li titlob opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-konformità tal-att li jemenda ċerti atti relatati mat-tisħiħ tal-proċedura mwettqa fiż-żona tal-fruntiera mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-acquis tal-Unjoni dwar l-asil, ukoll fir-rigward tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija f'dan l-att,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma universali u komuni għall-Istati Membri (l-Artikolu 2 tat-TUE);

B.

billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija parti mid-dritt primarju tal-UE li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni bħalma huma s-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni ta' natura politika jew ta' kwalunkwe tip ieħor, l-appartenenza għal xi minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

C.

billi l-Ungerija ilha Stat Membru tal-Unjoni Ewropea mill-2004, u billi, skont stħarriġiet tal-opinjoni, maġġoranza kbira ta' ċittadini Ungeriżi huma favur is-sħubija tal-pajjiż fl-UE;

D.

billi l-Karta tipprovdi li l-arti u r-riċerka xjentifika għandhom ikunu mingħajr xkiel u li l-libertà akkademika għandha tiġi rrispettata; billi tiggarantixxi wkoll il-libertà li jitwaqqfu stabbilimenti tal-edukazzjoni bir-rispett debitu għall-prinċipji demokratiċi;

E.

billi l-libertà ta' assoċjazzjoni għandha tkun protetta, u billi soċjetà ċivili vibranti għandha rwol essenzjali biex tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess demokratiku kif ukoll ir-responsabbiltà tal-gvernijiet rigward l-obbligi legali tagħhom, inklużi l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

F.

billi d-dritt għall-asil huwa garantit bir-rispett debitu għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u għall-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 rigward l-istatus tar-rifuġjati, u f'konformità mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

G.

billi 91,54 % tal-applikazzjonijiet għall-asil li saru fl-2016 ma ntlaqgħux; billi, mill-2015 'l hawn, liġijiet u proċeduri ġodda fl-Ungerija fil-qasam tal-asil ġiegħlu lill-persuni kollha li jfittxu l-asil jidħlu fl-Ungerija minn żona ta' transitu fit-territorju Ungeriż li tippermetti aċċess lil għadd limitat ta' persuni kuljum, eż. lil 10 persuni bħalissa; billi l-NGOs irrappurtaw darba wara l-oħra li l-migranti fuq il-fruntieri tal-Ungerija qed jiġu mġiegħla sommarjament imorru lura fis-Serbja, f'xi każijiet bi trattament krudili u vjolenti, mingħajr ma jiġu kkunsidrati t-talbiet tagħhom għall-protezzjoni; billi l-Gvern Ungeriż naqas milli jissodifa l-obbligi tiegħu rigward ir-rilokazzjoni tal-persuni li jfittxu l-asil skont id-dritt tal-UE;

H.

billi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ddikjara li “minħabba bidliet radikali li saru fil-liġi u fil-prattika rigward l-asil f'dawn l-aħħar xhur ġewwa l-Ungerija, il-persuni li jfittxu l-asil li jiġu rritornati fih jinsabu f'riskju konsiderevoli li jġarrbu vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem” bi rbit mal-osservazzjonijiet bil-miktub li ssottometta fis-17 ta' Diċembru 2016 lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward żewġ ilmenti kontra l-Awstrija dwar it-trasferiment ta' applikanti mill-Awstrija għall-Ungerija taħt ir-Regolament Dublin III;

I.

billi 11-il rifuġjat, magħrufa bħala “l-11 ta' Röszke”, li kienu preżenti fis-16 ta' Settembru 2016, l-għada ta' meta l-Ungerija għalqet il-fruntiera tagħha mas-Serbja, ġew akkużati li wettqu att ta' terrur u ngħataw sentenza ta' ħabs, fosthom Ahmed H., Sirjan residenti f'Ċipru li ngħata kundanna ta' 10 snin ħabs fi proċess inġust f'Novembru 2016, biss fuq il-bażi li uża megafon biex itaffi t-tensjonijiet u li waddab tliet oġġetti lejn il-pulizija tal-fruntiera;

J.

billi mindu adotta r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015, tqajmu preokkupazzjonijiet dwar għadd ta' kwistjonijiet, jiġifieri l-użu ta' fondi pubbliċi, attakki kontra organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet ta' persuni li jfittxu l-asil, is-sorveljanza tal-massa taċ-ċittadini, il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' espressjoni, il-pluraliżmu tal-midja u l-għeluq tal-gazzetta Népszabadság, tad-drittijiet tar-Rom, inkluż l-iżgumbrament tar-Rom f'Miskolc u s-segregazzjoni tat-tfal Rom fl-edukazzjoni, id-drittijiet ta' persuni LGBTI, id-drittijiet tan-nisa, is-sistema ġudizzjarja, inkluża l-possibbiltà li ġudikant jagħti sentenza ta' għomor il-ħabs mingħajr libertà kundizzjonata, l-iżgumbrament furzat tal-NGOs Ungeriżi l-Parlament tar-Rom u l-Organizzazzjoni Indipendenti taż-Żingari Phralipe mill-kwartieri ġenerali tagħhom, u r-riskju tli jingħalqu l-Arkivji Lukács;

K.

billi l-kontenut u l-lingwaġġ tal-konsultazzjoni nazzjonali “Inwaqqfu lil Brussell” – konsultazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni u t-terroriżmu u l-kampanji ta' reklamar mill-gvern li marru magħha – huma qarrieqa u ppreġudikati bil-kbir;

L.

billi, fil-kawża Szabó u Vissyl-Ungerija, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar is-sorveljanza sigrieta kontra t-terroriżmu li ddaħħlet fl-2011 kienet tikkostitwixxi ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-domiċilju u tal-korrispondenza; billi fil-kawża Ilias u Ahmedl-Ungerija, il-Qorti sabet li kien seħħ ksur tad-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, tad-dritt għal rimedju effettiv rigward il-kundizzjonijiet fiż-żona ta' transitu ta' Röszke u tad-dritt għal protezzjoni minn trattament inuman u degradanti fir-rigward tal-espulsjoni tal-applikanti lejn is-Serbja; billi fil-kawża Bakal-Ungerija, il-Qorti ddeċidiet li l-Ungerija kienet kisret id-dritt għal proċess ġust u l-liberta ta' espressjoni ta' András Baka, l-eks President tal-Qorti Suprema tal-Ungerija;

M.

billi l-aktar żviluppi reċenti fl-Ungerija, jiġifieri l-att li jemenda ċerti atti relatati ma' proċeduri aktar stretti fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-asil, l-att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, li jikkostitwixxi theddida diretta għall-Università tal-Ewropa Ċentrali u li qajjem diżapprovazzjoni kbira fost il-pubbliku, u l-proposta ta' Att dwar it-Trasparenza ta' Organizzazzjonijiet li Jirċievu Sostenn minn Barra l-Pajjiż (l-Abbozz ta' Liġi T/1467 tal-Parlament Ungeriż) taw lok għal preokkupazzjonijiet dwar il-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-UE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

1.

Ifakkar li l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE jridu jiġu rrispettati mill-Istati Membri kollha tal-UE;

2.

Jiddispjaċih li l-iżviluppi fl-Ungerija wasslu għal deterjorament serju tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali f'dawn l-aħħar snin, fost oħrajn il-libertà ta' espressjoni, il-libertà akkademika, id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, tal-persuni li jfittxu l-asil u tar-rifuġjati, il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, restrizzjonijiet u ostruzzjonijiet għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-dritt għal trattament ugwali, id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, inklużi r-Rom, il-Lhud u l-persuni LGBTI, id-drittijiet soċjali, il-funzjonament tas-sistema kostituzzjonali, l-indipendenza tal-ġudikatura u ta' istituzzjonijiet oħra, kif ukoll bosta allegazzjonijiet preokkupanti ta' korruzzjoni u ta' kunflitti ta' interess, li, meqjusa lkoll flimkien, jistgħu jirrappreżentaw theddida sistemika emerġenti għall-istat tad-dritt f'dan l-Istat Membru; jemmen li l-Ungerija tikkostitwixxi prova għall-UE, li jeħtiġilha turi l-kapaċità u r-rieda tagħha li tirreaġixxi għat-theddidiet u għall-vjolazzjonijiet tal-valuri bażiċi tagħha stess min-naħa ta' Stat Membru; jinnota bi tħassib li żviluppi f'xi Stati Membri oħra juru sinjali inkwetanti ta' mminar simili tal-istat tad-dritt bħal fl-Ungerija;

3.

Jistieden lill-Gvern Ungeriż jidħol fi djalogu mal-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet kollha msemmija f'din ir-riżoluzzjoni, b'mod partikolari dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, tal-persuni li jfittxu l-asil u tar-rifuġjati, il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà tal-edukazzjoni u r-riċerka akkademika, is-segregazzjoni tar-Rom fl-edukazzjoni, u l-protezzjoni tan-nisa tqal fix-xogħol; itenni li ż-żewġ naħat għandhom jimpenjaw ruħhom f'tali djalogu b'mod imparzjali, kooperattiv u msejjes fuq l-evidenza; jitlob li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat bil-valutazzjonijiet tagħha;

4.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-aħħar dikjarazzjonijiet u inizjattivi mill-Gvern Ungeriż, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-kontinwazzjoni tal-kampanja ta' konsultazzjoni “Inwaqqfu lil Brussell” u l-miżuri investigattivi li għandhom fil-mira impjegati barranin tal-Università Ewropea Ċentrali, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet mill-mexxejja tal-partit fil-gvern li jopponu kwalunkwe bidla leġiżlattiva li tindirizza r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali; jiddispjaċih li dawn is-sinjali ma jurux impenn ċar mill-awtoritajiet Ungeriżi biex jiżguraw bis-sħiħ li l-azzjonijiet tagħhom ikunu konformi mad-dritt primarju u sekondarju tal-UE;

5.

Jitlob li l-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa l-użu ta' fondi tal-UE mill-Gvern Ungeriż, b'mod partikolari fl-oqsma tal-asil u l-migrazzjoni, tal-komunikazzjoni pubblika, tal-edukazzjoni, tal-inklużjoni soċjali u tal-iżvilupp ekonomiku, sabiex tiżgura li kwalunkwe proġett kofinanzjat ikun konformi bis-sħiħ mad-dritt tal-UE, sew dak primarju u sew dak sekondarju;

6.

Jistieden lill-Gvern tal-Ungerija, fil-frattemp, jirrevoka l-att li jemenda ċerti atti relatati ma' proċeduri aktar stretti fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-asil kif ukoll l-att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, u jirtira l-proposta ta' Att dwar it-Trasparenza tal-Organizzazzjonijiet li Jirċievu Sostenn minn Barra l-Pajjiż (l-Abbozz ta' Liġi T/14967 tal-Parlament Ungeriż);

7.

Iħeġġeġ lill-Gvern Ungeriż biex minnufih jissospendi l-iskadenzi kollha fl-att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, biex jibda djalogu immedjat mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Uniti b'tali mod li jiggarantixxi l-operazzjonijiet futuri tal-Università Ċentrali Ewropea li toħroġ lawrji akkreditati fl-Istati Uniti, u biex jagħmel impenn pubbliku sabiex l-università tista' tibqa' f'Budapest bħala istituzzjoni libera;

8.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rrispondietx għat-talba tal-Parlament li tattiva l-qafas tal-UE għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, hekk kif saret fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 u tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, bil-għan li tipprevjeni, permezz ta' djalogu mal-Istat Membru kkonċernat, li theddida sistemika emerġenti għall-istat tad-dritt tkompli titqawwa; huwa tal-fehma li l-approċċ kurrenti tal-Kummissjoni jiffoka prinċipalment fuq aspetti marġinali u tekniċi tal-leġiżlazzjoni, filwaqt li jinjora x-xejriet, il-mudelli u l-effett ikkombinat tal-miżuri fuq l-istat tad-dritt u fuq id-drittijiet fundamentali; jemmen li l-proċeduri ta' ksur, b'mod partikolari, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet naqsu milli jwasslu għal bidliet reali u milli jindirizzaw is-sitwazzjoni b'mod usa';

9.

Jemmen li s-sitwazzjoni kurrenti fl-Ungerija tirrappreżenta riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE u tiġġustifika t-tnedija tal-proċedura tal-Artikolu 7(1) tat-TUE;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, għalhekk, biex jagħti bidu għall-proċeduri u jfassal rapport speċifiku bil-ħsieb li ssir votazzjoni plenarja fuq proposta motivata li titlob lill-Kunsill jaġixxi skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE, skont l-Atikolu 83 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;

11.

Itenni l-ħtieġa li jkun hemm proċess regolari ta' monitoraġġ u ta' djalogu li jinvolvi lill-Istati Membri kollha, sabiex jissalvagwardja l-valuri fundamentali tal-UE ta' demokrazija, drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, bl-involviment tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Parlament, kif dan tal-aħħar ippropona fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (6) (il-Patt DRF), u wkoll sabiex jevita l-istandards doppji;

12.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0461.

(2)  ĠU C 407, 4.11.2016, p. 46.

(3)  ĠU C 75, 26.2.2016, p. 52.

(4)  ĠU C 249 E, 30.8.2013, p. 27.

(5)  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 154.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2016)0409.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/79


P8_TA(2017)0217

Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (2016/2798(RSP))

(2018/C 307/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja u li tħassar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (COM(2016)0383),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa (COM(2016)0381),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar it-twaqqif ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (1),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass) (2), li permezz tiegħu n-nies jistgħu jippreżentaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom,

wara li kkunsidra l-prijoritajiet il-ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ sal-2020, kif stabbilit fir-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) (3),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (4),

wara li kkunsidra r-rapport Eurydice dwar ir-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali preċedenti fl-edukazzjoni għolja;

wara li kkunsidra l-Klassifikazzjoni Ewropea ta' Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO) multilingwi, li, flimkien mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), se tuża format komuni għall-pubblikazzjoni elettronika tal-informazzjoni dwar il-kwalifiki, kif stabbilit fl-Anness VI tal-proposta,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (5) (EQAVET),

wara li kkunsidra r-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (6), lista ta' aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità li wrew il-konformità sostanzjali tagħhom mal-Istandards u l-Linji Gwida (ESG) għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja,

wara li kkunsidra s-Sistema Ewropea għat-Trasferiment u l-Akkumulazzjoni ta' Krediti (ECTS) (7) li ġiet żviluppata fil-kuntest taż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja u s-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) stabbilita bir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 (8),

wara li kkunsidra l-Proċess ta' Bolonja dwar l-Edukazzjoni Għolja, il-Komunikat Ministerjali ta' Yerevan tal-2015 u r-rapport bit-titolu “European Higher Education Area in 2015: Bologna process implementation report” (Iż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja fl-2015: rapport dwar l-implimentazzjoni tal-proċess ta' Bolonja),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Erasmus+: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport (9),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-Reġjun Ewropew (il-Konvenzjoni ta' Lisbona dwar ir-Rikonoxximent) u r-rakkomandazzjoni dwar l-użu tal-oqfsa tal-kwalifiki fir-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin, li tirreferi b'mod espliċitu għall-QEK bħala għodda li għandha tintuża għar-rikonoxximent akkademiku;

wara li kkunsidra l-istrateġija “Widening Participation for Equity and Growth: A Strategy for the Development of the Social Dimension and Lifelong Learning in the European Higher Education Area to 2020” (Inwessgħu l-parteċipazzjoni għall-ekwità u t-tkabbir: strateġija għall-iżvilupp tad-dimensjoni soċjali u t-tagħlim tul il-ħajja fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja sal-2020), li tkopri l-pajjiżi kollha li jipparteċipaw fil-QEK,

wara li kkunsidra r-rapport tal-UNESCO tal-2015 dwar ir-rikonoxximent, il-validazzjoni u l-akkreditament tat-tagħlim mhux formali u informali fl-Istati Membri tal-UNESCO,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (10), kif emendata mid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 (11),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (O-000038/2017 – B8-0218/2017),

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi rikonoxximent, komprensjoni u evalwazzjoni xierqa tal-ħiliet jestendu lil hinn mill-oqsma ta' dak li qed jitfittex mis-suq tax-xogħol; billi l-ħiliet li huma disponibbli kif ukoll dawk li hemm domanda għalihom fis-suq tax-xogħol jibbenefikaw minn QEK li jista' jidentifika u jqabbel dawk il-ħiliet u b'hekk jinħolqu benefiċċji soċjali u ekonomiċi; billi huwa fundamentali li tingħata għajnuna lill-individwi sabiex dawn jiksbu u jaġġornaw il-kompetenzi u l-ħiliet tul ħajjithom kollha;

B.

billi komparabbiltà akbar tal-kwalifiki żżid il-possibbiltà ta' impjieg u ta' tkabbir professjonali għall-ħaddiema migranti kollha;

C.

billi jenħtieġ li l-attenzjoni tkun iffukata fuq il-ħiliet fl-ITC u li jiddaħħlu miżuri strutturali ħalli l-persuni jingħataw l-għajnuna biex jiksbu u jivvalidaw dawn il-ħiliet;

D.

billi, meta jitqiesu l-isfidi ġodda li tippreżenta s-soċjetà u t-tibdil teknoloġiku u demografiku, il-QEK, permezz tal-proċess tal-iżvilupp ulterjuri tiegħu, jista' jgħin fit-tagħlim tul il-ħajja kemm f'termini ta' appoġġ għal opportunitajiet indaqs u ġustizzja edukattiva kif ukoll f'termini ta' titjib tal-permeabbiltà bejn is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ; billi jenħtieġ li l-edukazzjoni u t-taħriġ jgħinu lin-nies jadattaw ruħhom għal kwalunkwe ċirkustanza li jistgħu jiltaqgħu magħha billi jaġġornaw il-ħiliet tagħhom u jedukawhom b'mod olistiku sabiex isiru aktar kritiċi, kunfidenti u indipendenti, kif ukoll sabiex jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa għas-seklu 21;

E.

billi l-iżvilupp kontinwu tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi – magħruf ukoll bħala tagħlim tul il-ħajja – jista' jikkontribwixxi biex jitjiebu l-għażliet individwali tal-persuni fir-rigward tax-xogħol u l-ħajja, jgħinhom jiżviluppaw fuq livell personali u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, u b'hekk jinħolqu benefiċċji għas-soċjetà, kif ukoll jitjiebu l-possibbiltajiet tal-persuni li jsibu xogħol u jżommu l-karriera tagħhom;

F.

billi waħda mill-miri tal-QEK hija li jiffaċilita t-tqabbil bejn is-sistemi edukattivi u b'hekk jagħti spinta għal bidla u riformi fil-livelli nazzjonali u settorjali, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u tal-qafas ET 2020;

G.

billi minħabba n-nuqqas ta' ambizzjoni min-naħa tal-Istati Membri, u minkejja l-impenn li ntwera s'issa, għad baqa' nuqqas ta' trasparenza fil-kwalifiki u rata baxxa ta' rikonoxximent ta' kwalifiki barranin; billi l-QEK hemm bżonn isirulu aġġustamenti sabiex il-kwalifiki jsiru aktar u aktar trasparenti u komparabbli;

H.

billi jenħtieġ li l-QEK jipprovdi metaqafas għall-utenti u jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, is-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, it-trejdjunjins, is-soċjetà ċivili, u partijiet ikkonċernati oħra fil-livell internazzjonali;

I.

billi n-Netherlands u l-Iżvezja biss għandhom proċeduri speċifiċi fl-oqsfa nazzjonali tal-kwalifiki tagħhom għall-inklużjoni ta' kwalifiki mhux formali; billi l-ebda Stat Membru m'għandu proċeduri speċifiċi għat-tagħlim informali fil-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki (QNK) tiegħu;

J.

billi jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw malajr, u mhux aktar tard mill-2018, arranġamenti konformi mal-QEK għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, inklużi l-ħiliet miksuba waqt attivitajiet ta' volontarjat;

K.

billi fil-Komunikat Ministerjali ta' Yerevan tal-2015, l-Istati Membri ntrabtu speċifikament li jwettqu rieżami tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bil-ħsieb li jkunu konformi bis-sħiħ mal-Konvenzjoni ta' Lisbona dwar ir-Rikonoxximent u li jirrevedu l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki, bil-ħsieb li jiġi żgurat li t-toroq tat-tagħlim f'qafas partikolari jipprevedu b'mod adegwat ir-rikonoxximent ta' kompetenzi miksuba qabel;

L.

billi hija r-responsabbiltà u l-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri li jiggarantixxu l-kwalità tal-kontenut tat-tagħlim u li jorganizzaw is-sistemi edukattivi; billi l-QEK ma jaffettwax din ir-responsabbiltà;

M.

billi bħalissa jeżistu differenzi fir-rikonoxximent taċ-ċertifikati bejn ir-reġjuni, partikolarment ir-reġjuni transfruntiera, u dan qed iwassal għal differenzi fl-impjegabbiltà;

N.

billi l-libreriji, kemm pubbliċi kif ukoll privati, jagħtu kontribut sinifikanti għat-tagħlim tul il-ħajja u għat-titjib fil-litteriżmu u fil-ħiliet diġitali;

O.

billi bħalissa fil-QEK jieħdu sehem total ta' 39 pajjiż, fosthom: l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi taż-ŻEE, il-pajjiżi kandidati, il-pajjiżi kandidati potenzjali (il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo) u l-Iżvizzera;

1.

Jirrikonoxxi l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrevedi l-QEK u li tkompli tappoġġja l-modernizzazzjoni tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ Ewropej, filwaqt li xorta waħda tirrispetta l-kompetenzi nazzjonali u tiżgura li jitħarsu l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi edukattivi tal-Istati Membri;

2.

Jirrimarka li l-promozzjoni tal-ħsieb kritiku u tal-ħsieb kreattiv hija kruċjali għall-iżvilupp ta' ħiliet ġodda li se jkunu meħtieġa fil-futur;

3.

Jirrakkomanda li jitħares is-sett rikk ta' ħiliet mhux biss tekniċi, iżda anke manwali, li ntirtu minn ġenerazzjoni għal oħra u li ppermettew l-iżvilupp u t-tkabbir ta' setturi tal-produzzjoni artiġjanali u li għandhom jiġu preservati bħala mod kif titħares l-identità individwali ta' kull Stat Membru;

4.

Jinnota li wieħed mir-rwoli tal-QEK hu li jżid il-komparabbiltà tal-kwalifiki miksuba fl-Istati Membri filwaqt li jħares il-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi edukattivi nazzjonali;

5.

Jirrimarka li l-Unjoni għandha tippermetti lil kulħadd, irrispettivament mill-età jew mill-istatus, ikollu l-ħiliet u l-kompetenzi, inklużi dawk miksuba permezz tal-volontarjat, aktar viżibbli, apprezzati u rikonoxxuti b'mod ċar u aċċessibbli, partikolarment fiż-żoni transfruntiera, irrispettivament minn fejn jew kif ikunu nkisbu; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jagħmlu sforzi akbar biex ikun hemm rikonoxximent aktar mgħaġġel u aktar effikaċi tal-kwalifiki kif ukoll referenzjar tal-livell korrispondenti tal-QEK;

6.

Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi enfasizzata l-implimentazzjoni tal-QEK sabiex tingħata spinta lill-kwalità u l-potenzjal ta' dan il-qafas;

7.

Jirrakkomanda aktar flessibbiltà fir-rigward tal-aġġornament tar-referenzjar tal-qafas nazzjonali mal-QEK;

8.

Ifakkar li wieħed mill-kompiti ewlenin tal-QEK hu li jiffaċilita u jippromwovi t-trasferiment tal-kwalifiki u l-validazzjoni tat-taħriġ u l-edukazzjoni formali u informali bejn is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ differenti, sabiex tkun faċilitata l-mobbiltà professjonali u edukattiva transnazzjonali u sabiex jiġi indirizzat l-ispariġġ fis-suq tax-xogħol Ewropew u jintlaħqu aħjar il-ħtiġijiet personali taċ-ċittadini u tas-soċjetà b'mod ġenerali;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra jekk it-tliet oqsma orizzontali (l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi) għandhomx jiġu riveduti ulterjorment biex jinftiehmu aħjar u jkunu aktar ċari; jitlob li l-Qafas Ewropew tal-Kompetenzi Ewlenin tal-2006 jintuża bħala riżorsa prezzjuża u bħala d-dokument ta' referenza prinċipali sabiex ikun hemm aktar koerenza fit-terminoloġija bejn l-oqfsa differenti tal-UE u, fl-aħħar mill-aħħar, approċċ ġenwin għall-eżiti tat-tagħlim;

10.

Jirrimarka l-importanza li jiġu analizzati u żviluppati għodod għat-tbassir tal-ħtiġijiet futuri fejn jidħlu ħiliet; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, bħal min iħaddem, jikkondividu l-prattika tajba f'dan ir-rigward;

11.

Jenfasizza l-importanza tal-iskemi ta' taħriġ u l-apprendistati fl-iffurmar tal-ħiliet; jenfasizza, għalhekk, il-bżonn li fl-Istati Membri tingħata promozzjoni lil sistemi ta' edukazzjoni fuq żewġ binarji li jikkombinaw l-apprendistati fil-kumpaniji mal-edukazzjoni fl-istituti vokazzjonali; ifakkar li min iħaddem u l-imprendituri għandhom rwol kruċjali fit-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u fl-offerta ta' apprendistati, u hu tal-fehma li r-rwol tagħhom għandu jiġi appoġġjat u żviluppat aktar;

12.

Jirrakkomanda li l-QEK jkun marbut biżżejjed mal-ħtiġijiet tas-soċjetà, inkluża d-domanda tas-suq tax-xogħol, sabiex itejjeb il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u jgħin lill-individwi jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom, għat-twettiq tal-objettivi ta' Ewropa 2020;

13.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sfruttati bis-sħiħ il-possibbiltajiet offruti mill-QEK sabiex tiġi stimulata u ffaċilitata l-mobbiltà tal-istudenti u tal-ħaddiema fl-UE u b'hekk jiġi promoss it-tagħlim tul il-ħajja u jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' ħaddiema mobbli u flessibbli fl-Ewropa kollha fi żmienijiet ta' sfidi ekonomiċi u globalizzazzjoni tas-suq;

14.

Jenfasizza l-fatt li għadd ta' Stati Membri għadhom fl-istadji bikrija tal-implimentazzjoni tal-QNK individwali tagħhom abbażi tat-tmien livelli tal-QEK; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li dan il-proċess jiġi implimentat ulterjorment;

15.

Jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva tal-ESCO, li tidentifika u tikkategorizza, b'25 lingwa, il-ħiliet, il-kompetenzi, il-kwalifiki u l-impjiegi rilevanti għas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE;

16.

Jitlob appoġġ b'saħħtu u promozzjoni tal-prinċipji Ewropej komuni li jipprovdu u jivvalidaw u jirrikonoxxu malajr il-proċessi ta' tagħlim mhux formali u informali, peress li dan huwa partikolarment importanti għall-inklużjoni ta' studenti “atipiċi”; jirrimarka, f'dan il-kuntest, l-għadd dejjem akbar ta' sessjonijiet ta' taħriġ ibbażati fuq l-industrija li għandhom jiġu inklużi fil-proċess ta' validazzjoni, u jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari liċ-ċertifikazzjoni tal-anzjani, il-persuni b'diżabilità, in-nies li ilhom qiegħda, il-ħaddiema akbar fl-età u gruppi oħra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa jekk il-krediti ECVET jistgħux jintużaw biex jiġi vvalidat u rikonoxxut it-tagħlim informali u mhux formali; jemmen li mhu se jkun hemm ebda żvalutazzjoni tal-kompetenzi miksuba b'mod formali;

17.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar bejn il-QEK u għodod oħra eżistenti ta' rikonoxximent u trasparenza, bħall-ECVET, l-ECTS u l-Europass, bl-appoġġ ta' sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità, sabiex jinħolqu sinerġiji u tiżdied l-effiċjenza tal-għodod ta' trasparenza;

18.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa għodda ta' awtoevalwazzjoni għal min iħaddem biex ikun żgurat użu aktar effiċjenti tal-QEK; iħeġġeġ lil min iħaddem jaħseb b'mod kritiku dwar il-livelli ta' ħiliet u kwalifiki meħtieġa għall-impjieg;

19.

Jenfasizza r-riskji potenzjali involuti fid-definizzjoni tal-eżiti tat-tagħlim fil-QEK f'termini ta' impatt fuq il-kurrikuli; jenfasizza l-importanza tad-diversità tas-sistemi edukattivi fl-UE u fil-pajjiżi parteċipanti;

20.

Jistieden lill-Istati Membri li fadal jorbtu malajr l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki tagħhom mal-QEK; iħeġġeġ pass aktar mgħaġġel sabiex jitneħħew l-ostakli kollha li għad fadal għar-rikonoxximent;

21.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa mill-ġdid l-ispejjeż tat-titjib tal-QEK, peress li bħalissa mhuma previsti l-ebda spejjeż addizzjonali; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-ammont ta' xogħol involut fir-reviżjoni tal-QEF huwa sottovalutat;

22.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw strateġiji ta' dimensjoni soċjali għas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ tagħhom sabiex isaħħu l-appoġġ għall-opportunitajiet indaqs, itejbu l-ġustizzja edukattiva, jikkombattu l-inugwaljanza u jiżguraw permeabbiltà aħjar bejn is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri f'dan ir-rigward;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni terġa' taħsibha dwar il-promozzjoni tagħha fir-rigward tal-finanzjament ibbażat fuq ir-rendiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u fl-edukazzjoni għolja kif ukoll tal-miżati għat-tagħlim fil-qafas tal-aġenda tal-modernizzazzjoni, sabiex tħares ir-rwol soċjali tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ u tiżgura l-aċċess għall-kwalifiki;

24.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara r-rwoli rispettivi li mistennija jkollhom l-ECVET u l-ECTS, sabiex tiżgura trasparenza akbar tar-reviżjoni għall-partijiet ikkonċernati;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lill-impenn li jinkludu l-metodi ta' tagħlim informali u mhux formali, li bħalissa huma esklużi mill-maġġoranza tal-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki, u sussegwentement mill-QEK, speċjalment it-tagħlim informali, li fil-preżent huwa eskluż għalkollox;

26.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' fehim aħjar f'dak li għandux x'jaqsam mal-kwalifiki miksuba barra l-UE sabiex dawn ikun jistgħu jiġu vvalidati u rikonoxxuti u b'hekk titrawwem l-integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati fis-soċjetà Ewropea, fis-suq tax-xogħol, u fis-sistemi edukattivi u tat-taħriġ tal-UE; jilqa', f'dan il-kuntest, ir-rakkomandazzjoni li twitti t-triq għal relazzjonijiet bejn l-oqfsa reġjonali u nazzjonali tal-kwalifiki ta' pajjiżi terzi, l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki tal-Istati Membri u l-QEK, b'mod partikolari l-għażla ta' djalogi strutturati mal-pajjiżi ġirien tal-UE li għandhom ftehim ta' assoċjazzjoni mal-UE, li possibbilment iservu biex isaħħu l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki tagħhom mal-QEK u mal-UE u jżidu l-appoġġ (pereżempju permezz tal-għajnuna għall-iżvilupp) lil pajjiżi terzi biex jiżviluppaw l-oqsfa nazzjonali tal-kwalifiki;

27.

Jirrikonoxxi li huwa fl-interess tal-pajjiżi terzi li jużaw il-QEK bħala punt ta' referenza għas-sistemi tal-kwalifiki tagħhom u li l-QEK jiġi revedut sabiex jiġi ssimplifikat it-tqabbil formali tal-kwalifiki miksuba f'pajjiżi terzi ma' dawk miksuba fl-UE;

28.

Jinsisti li partijiet ikkonċernati rilevanti bħas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, is-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti aktar u jikkooperaw mill-qrib fil-ħolqien, l-implimentazzjoni, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-QEK fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali sabiex jiġi żgurat l-appoġġ usa' tiegħu;

29.

Jemmen li strument bħall-QEK jeħtieġ aġġornament u aġġustament kostanti, u għalhekk għandu jiġi appoġġjat u mtejjeb b'monitoraġġ regolari, b'mod partikolari fir-rigward tal-faċilità tal-użu, il-permeabbiltà u t-trasparenza tiegħu; jenfasizza li l-QEK jkun suċċess biss jekk l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom verament li jimplimentawh u jużawh;

30.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6.

(3)  ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25.

(4)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(5)  ĠU C 155, 8.7.2009, p. 1.

(6)  https://www.eqar.eu

(7)  http://ec.europa.eu/education/library/publications/2015/ects-users-guide_en.pdf

(8)  ĠU C 155, 8.7.2009, p. 11.

(9)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.

(10)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

(11)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132.


Il-Ħamis 18 ta’ Mejju 2017

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/84


P8_TA(2017)0218

Iż-Żambja, b'mod partikolari l-każ ta' Hakainde Hichilema

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar iż-Żambja, b'mod partikolari l-każ ta' Hakainde Hichilema (2017/2681(RSP))

(2018/C 307/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iż-Żambja,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' April 2017 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar it-tensjoni politika fiż-Żambja,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE dwar l-elezzjonijiet tal-2016 fiż-Żambja,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni taż-Żambja,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi ż-Żambja ilu għal żmien twil eżempju tad-demokrazija, b'rekord ta' 25 sena ta' tranżizzjonijiet paċifiċi; billi sfortunatament it-tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2016 kienet imtabba' minn ġlied vjolenti bejn il-partitarji taż-żewġ partijiet ewlenin, il-Front Patrijottiku u l-Partit Magħqud għall-Iżvilupp Nazzjonali (UPND, il-partit fl-oppożizzjoni);

B.

billi fil-11 ta' Mejju 2017 għalaq xagħar fil-ħabs il-mexxej tal-UPND Hakainde Hichilema, li ġie arrestat flimkien ma' ħamsa mill-impjegati tiegħu minn uffiċjali tal-pulizija armati sew f'rejd fuq id-dar tiegħu fil-11 ta' April;

C.

billi Hichilema ġie akkużat li pperikola l-ħajja tal-President billi allegatament ostakola l-vetturi presidenzjali f'Mongu fid-9 ta' April 2017, u immedjatament ġie akkużat bi tradiment, reat li ma jistax jinħafer fiż-Żambja, kif ukoll li ma osservax id-dmir statutorju, ma obdiex l-ordnijiet legali u uża lingwaġġ offensiv; billi huwa ċaħad dawn l-allegazzjonijiet kollha;

D.

billi, minkejja l-fatt li ż-Żambja huwa pajjiż li abolixxa de facto l-piena tal-mewt, fejn l-aħħar darba li saret eżekuzzjoni kienet fl-1997, is-sentenza massima għat-tradiment għadha l-piena tal-mewt;

E.

billi l-avukati ta' Hichilema sostnew li l-każ huwa bla bażi u talbu li l-Qorti tal-Maġistrati ta' Lusaka twaqqa' l-akkużi; billi l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet l-akkużi bir-raġunament li l-Qorti Għolja biss kienet kompetenti f'każijiet ta' tradiment;

F.

billi Hichilema attwalment jinsab miżmum fil-Faċilità Korrettiva Ċentrali f'Lusaka, fejn l-aċċess għall-mezzi tax-xandir privati, l-avukati, il-partitarji u l-ħbieb huwa limitat; billi l-atti ta' trattament degradanti f'detenzjoni ġew irrappurtati minn Hichilema u l-avukati tiegħu;

G.

billi l-UPND qies li l-akkużi huma politikament motivati u billi l-arrest ta' Hichilema wassal għal mewġa ta' protesti, ġlied vjolenti u żieda fit-tensjoni politika fil-pajjiż;

H.

billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem appellaw lill-awtoritajiet taż-Żambja biex iwaqqgħu l-akkużi, billi sostnew li kienu maħsuba biex jagħtu fastidju u jintimidaw lil Hichilema u biex iżommuh milli jwettaq il-ħidma politika tiegħu; billi l-President Lungu ddikjara, fl-14 ta' April 2017 li ma kienx se jinterferixxi fil-każ ta' Hichilema;

I.

billi l-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi taż-Żambja kkritikat l-arrest brutali tal-mexxejja tal-oppożizzjoni ewlenin tal-pajjiż u kkundannaw l-użu tal-pulizija nazzjonali biex apparentement jipprevjenu l-organizzazzjoni u l-funzjonament ġenerali tal-oppożizzjoni politika;

J.

billi wara l-elezzjoni presidenzjali f'Awwissu 2016, fejn Hichilema kien tilef b'marġni żgħir kontra l-President Lungu, l-UPND kkontesta l-leġittimità tar-riżultati tal-elezzjoni u l-indipendenza tal-ġudikatura, iżda l-ilment ġie miċħud mingħajr ma nstema' fil-qorti;

K.

billi fit-18 ta' April 2017 Hichilema ġie akkużat bi tradiment għal darb'oħra, flimkien ma' ħames membri tal-UPND, talli allegatament ippruvaw iwaqqgħu l-gvern bejn il-5 u t-8 ta' April;

L.

billi fit-13 ta' Novembru 2016 il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE ressqet ir-rapport finali tagħha, fejn ġie ddikjarat li l-elezzjonijiet ġenerali tal-2016 kienu ppreparati b'mod li fil-biċċa l-kbira kien professjonali iżda li dawn iż-żewġ partiti politiċi ewlenin għamlu dikjarazzjonijiet li żiedu t-tensjoni matul il-kampanja, u dan wassal għal bosta inċidenti serji ta' vjolenza;

M.

billi kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-inkarċerazzjoni tal-kap tal-oppożizzjoni u talbu li jkun hemm djalogu paċifiku bejn il-gvern u l-UPND biex tittaffa t-tensjoni li żdiedet bejn iż-żewġ partiti;

N.

billi fl-20 ta' April 2017 il-President taż-Żambja hedded li jimponi stat ta' emerġenza wara sensiela ta' attakki ta' ħruq fuq ħwienet u għases tal-pulizija attribwiti lill-UPND; billi dan jista' jaggrava t-tensjoni attwali u jenħtieġ li tingħata preferenza lil soluzzjoni politika;

O.

billi l-każ ta' Hichilema qed iseħħ f'kuntest fejn it-tensjoni politika żdiedet wara l-elezzjonijiet kkontestati tas-sena li għaddiet; billi l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw atti ta' ripressjoni kontra attivisti politiċi u l-partiti tal-oppożizzjoni, l-użu eċċessiv tal-forza biex jisfrattaw dimostrazzjonijiet paċifiċi, u t-trażżin tal-mezzi tax-xandir u l-ġurnalisti indipendenti;

P.

billi l-gvern esprima r-rieda tiegħu li jipparteċipa fi djalogu soġġett għall-aċċettazzjoni tal-partiti kollha mill-oppożizzjoni tar-riżultat elettorali 2016;

Q.

billi ż-Żambja hija firmatarju tal-Ftehim ta' Cotonou, li l-Artikolu 9 tiegħu jistipula li l-Partiti jimpenjaw ruħhom li jippromwovu u jipproteġu l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem kollha, inklużi d-drittijiet politiċi;

R.

billi fis-27 ta' Marzu 2017 il-Gvern taż-Żambja beda konsultazzjonijiet pubbliċi dwar is-sħubija tal-pajjiż fil-Qorti Kriminali Internazzjonali;

1.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-arrest u l-inkarċerazzjoni ta' Hakainde Hichilema u jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġustizzja, id-diliġenza u t-trasparenza fil-ħinijiet kollha fl-applikazzjoni tal-liġi u matul il-proċess tal-ġustizzja; jinnota bi tħassib rapporti ta' motivazzjoni politika fir-rigward tal-akkużi, u għalhekk ifakkar lill-Gvern taż-Żambja dwar l-obbligu tiegħu li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust, kif previst fil-Karta Afrikana u fi strumenti internazzjonali u reġjonali oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem;

2.

Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-rapporti li dejjem qed jiżdiedu dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet tal-espressjoni u l-assoċjazzjoni; jistieden lill-gvern biex ikompli bl-isforzi tiegħu biex tiġi restawrata l-libertà sħiħa tal-mezzi tax-xandir; jinsisti fuq ir-responsabbiltà tal-gvern li jevita li t-tensjoni politika attwali tkompli taggrava u li jirrispetta, jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet ċivili u politiċi taċ-ċittadini tiegħu;

3.

Jistieden lill-awtoritajiet taż-Żambja biex iwettqu investigazzjoni fil-pront, imparzjali u bir-reqqa dwar l-allegat trattament ħażin ta' Hichilema matul id-detenzjoni tiegħu u biex dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom;

4.

Iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati politiċi rilevanti kollha biex jagħmlu użu minn rimedji kostituzzjonali u legali, f'konformità ma' normi u standards internazzjonali, għas-soluzzjoni ta' kwalunkwe tilwima jew differenza relatati mar-riżultati tal-elezzjoni, u biex jagħmlu l-almu tagħhom ħalli jissalvagwardjaw il-paċi u s-sigurtà tas-soċjetà ċivili;

5.

Jistieden lill-UE tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni ġenerali fiż-Żambja u biex tuża l-mezzi politiċi disponibbli, fosthom permezz ta' djalogu fl-ogħla livell, sabiex tiżgura li l-kundizzjonijiet tal-istat tad-dritt u d-demokrazija, ta' spazju politiku miftuħ, ta' istituzzjonijiet ħielsa u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem jiġu miżmuma;

6.

Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvern taż-Żambja biex jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE dwar l-elezzjonijiet tal-2016, b'referenza partikolari għall-bżonn li jitneħħew il-limitazzjonijiet restrittivi fuq il-libertà ta' għaqda fl-Att tal-Ordni Pubbliku, biex jiġu ggarantiti l-libertà u l-indipendenza tal-mezzi tax-xandir, u biex jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jipprevjeni l-vjolenza politika;

7.

Jinsisti fuq il-ħtieġa urġenti għal djalogu paċifiku u kostruttiv bejn il-Front Patrijottiku u l-UPND sabiex jerġa' jkun hemm fiduċja u stabbiltà politika; jiġbed l-attenzjoni għar-responsabbiltà taż-żewġ partiti biex itemmu l-inċitament u l-provokazzjoni tal-vjolenza u biex joħolqu ambjent li jwassal għal dibattitu demokratiku miftuħ; jilqa' l-involviment u r-rwol ta' medjazzjoni tas-sħab internazzjonali u reġjonali f'dan ir-rigward, kif ukoll l-appell tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għal djalogu biex tiġi indirizzata l-vjolenza politika;

8.

Jappoġġja l-inizjattiva tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi taż-Żambja u ta' gruppi oħra tas-soċjetà ċivili fis-sejħa għal djalogu paċifiku bejn il-partiti opposti;

9.

Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt fi kwalunkwe każ u f'kull ċirkostanza; jilqa' l-fatt li ma saret l-ebda eżekuzzjoni fil-pajjiż mill-1997 'il quddiem; jistieden liż-Żambja jirratifika t-tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi bil-għan li tiġi abolita l-piena tal-mewt;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana u l-Parlament Pan-Afrikan, lill-Gvern taż-Żambja u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/87


P8_TA(2017)0219

L-Etjopja, b'mod partikolari l-każ ta' Dr Merera Gudina

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-Etjopja, b'mod partikolari l-każ ta' Dr Merera Gudina (2017/2682(RSP))

(2018/C 307/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja,

wara li kkunsidra l-aktar Eżami Perjodiku Universali reċenti dwar l-Etjopja, li sar qabel il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-2015,

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) b'segwitu għaż-żjara ta' Federica Mogherini, Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lill-Prim Ministru Etjopjan, Hailemariam Desalegn f'Addis Ababa fis-17 ta' Marzu 2017,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Etjopja, adottata fit-8 ta' Diċembru 1994, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet demokratiċi,

wara li kkunsidra r-rapport bil-fomm li sar mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-Etjopja lill-Parlmanet tal-Etjopja, fit-18 ta' April 2017,

wara li kkunsidra l-istqarrija tal-10 ta' April 2017 minn Stavros Lambrinidis, Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar iż-żjara tiegħu fl-Etjopja biex iniedi l-Impenn Strateġiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Etjopja rratifikat fl-1993,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-SEAE dwar il-ġlied reċenti fl-Etjopja, tat-23 ta' Diċembru 2015,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Ottubru 2016 mill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli u Viċi President, dwar it-tħabbir tal-istat ta' emerġenza mill-Etjopja,

wara li kkunsidra l-Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità UE-Etjopja, iffirmata fil-11 ta' Novembru 2015,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Diċembru 2015 mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti dwar il-ġlied f'Oromia, l-Etjopja,

wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku bejn l-UE u l-Etjopja,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

wara li kkunsidra ż-żjara fl-Etjopja ta' Zeid Ra'ad, il-Kummissarju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, li ntemmet fl-4 ta' Mejju 2017,

wara li kkunsidra l-Artikolu 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Etjopja twettaq rwol ewlieni fir-reġjun u tgawdi minn appoġġ politiku mid-donaturi tal-Punent u minn ħafna mill-ġirien reġjonali, minħabba r-rwol tagħha bħala l-pajjiż ospitanti tal-Unjoni Afrikana (UA) u l-kontribut tagħha għal attivitajiet ta' żamma ta' paċi tan-NU, is-sħubijiet ta' sigurtà u ta' għajnuna mal-pajjiżi tal-Punent bħala sostenitriċi ta' sforzi internazzjonali biex tinġieb l-istabbiltà fis-Somalja u biex jiġu miġġielda l-gruppi terroristiċi fir-reġjun; billi l-Etjopja hi nvoluta ħafna fir-relazzjonijiet bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel u ilha torganizza taħdidiet ta' paċi taħt il-kappa tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD);

B.

billi, b'popolazzjoni ta' 100 miljun, l-Etjopja hi meqjusa bħala waħda mill-ekonomiji li qed jikbru malajr fl-Afrika, billi tattira investimenti barranin sinifikanti, inkluż fl-agrikoltura, il-kostruzzjoni u l-manifattura, il-proġetti ta' żvilupp fuq skala kbira, bħal bini ta' digi idroelettriċi u pjantaġġuni, u twellija mifruxa ta' artijiet, spiss lil kumpaniji barranin, u li esperjenzat rata medja ta' tkabbir ta' 10 % tul l-aħħar għaxar snin; billi, madankollu, għadha waħda mill-ifqar ekonomiji, bi DNG per capita ta' USD 632; billi ġiet ikklassifikata fil-173 post minn 187 pajjiż fl-Indiċi tal-Iżvilupp Uman għall-2014;

C.

billi l-kriżi umanitarja attwali fil-Qarn tal-Afrika li laqtet ir-reġjun ta' Ogaden u żoni oħra tal-Etjopja, ġabet magħha tfaqqigħ tal-kolera u nuqqas ta' ikel, li diġà kkawżaw l-imwiet ta' bosta persuni u poġġew lil eluf oħrajn f'riskju, partikolarment sa mill-bidu ta' Marzu 2017; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) nieda l-akbar appell tiegħu għal USD 96,4 miljun bħala assistenza għal 1,19-il miljun reifuġjat u ex refuġjati fis-Sudan, is-Somalja, l-Etjopja u r-Repubblika Ċentru-Afrikana; billi f'Jannar 2017, l-Etjopja ddikjarat emerġenza minħabba n-nixfa fil-provinċji tal-Lvant tagħha li ħalliet lil 5,6 miljun persuna fi bżonn urġenti ta' assistenza, u qed tappella għal għajnuna mill-komunità internazzjonali; billi fl-2016, in-nixfa ħalliet lil 10 miljun persuna bil-ġuħ u kkawżat il-mewt ta' eluf ta' annimali għat-trobbija;

D.

billi l-Ftehim dwar l-Impenn Strateġiku UE-Etjopja kien iffirmat fl-14 ta' Ġunju 2016; billi jirrikonoxxi r-rwol kruċjali mwettaq mill-Etjopja fl-Afrika u fil-komunità internazzjonali, kif ukoll it-tkabbir ekonomiku sinifikanti tagħha u l-progress imwettaq lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju; billi l-UE tappoġġa r-rwol kostruttiv tal-Etjopja għall-paċi u s-sigurtà fil-Qarn tal-Afrika;

E.

billi l-Etjopja qed tħabbat wiċċha ma' influssi permanenti u ħruġ ta' migranti u hi pajjiż ospitanti għal madwar 800 000 refuġjat, l-iktar mis-Sudan t'Isfel u l-Eritrea iżda ukoll mis-Somalja; billi fil-11 ta' Novembru 2015, l-UE u l-Etjopja ffirmaw Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità (CAMM) biex isaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu bejn iż-żewġ partijiet fil-qasam tal-migrazzjoni;

F.

billi l-Etjopja hija firmatarja tal-Ftehim ta' Cotonou, li l-Artikolu 96 tiegħu jistipula li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali huwa element essenzjali tal-koperazzjoni AKP-UE,

G.

billi l-awtoritajiet tal-Etjopja għamlu użu ripetut ta' forza eċċessiva kontra d-dimostranti paċifiċi, kif ukoll wettqu abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem fil-konfront ta' membri tal-komunità Oromo u ta' gruppi etniċi oħrajn, inklużi atti ta' persekuzzjoni, arresti arbitrarji u qtil, minħabba l-perċezzjoni li dawn jopponu l-gvern; billi l-gvern tal-Etjopja regolarment jakkuża lil dawk li jikkritikaw il-politika tal-gvern b'assoċjazzjoni mat-terroriżmu; billi l-ġurnalisti, il-bloggers, id-dimostranti u l-attivisti ġew imressqa l-qorti skont il-Proklamazzjoni Kontra t-Terroriżmu ħarxa tal-pajjiż, tal-2009;

H.

billi f'nofs April 2014 is-sitwazzjoni marret għall-agħar, meta l-gvern ħabbar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Żvilupp Reġjonali Integrat ta' Addis Ababa, li kien qiegħed jipproponi l-espansjoni tal-faċilitajiet lejn żoni 'l barra mill-belt u ta' appartenenza għall-Istat Reġjonali Nazzjonali ta' Oromia, li hu l-akbar reġjun tal-Etijopja li jiċċirkonda lill-Addis Ababa;

I.

billi fl-14 ta' Jannar 2016, il-gvern iddeċieda li jħassar il-pjan ta' żvilupp urban kontroversjali fuq skala kbira; billi t-tkabbir ta' Addis Ababa diġà sposta lil bosta bdiewa Oromo u ħallihom f'qagħda ta' faqar;

J.

billi fl-2015 u fl-2016, kien hemm protesti tal-massa f'Oromia, dwar l-estensjoni tal-fruntiera muniċipali fl-artijiet tal-bdiewa Oromo, li huma d-dar ta' żewġ miljun persuna, dan għaliex l-esproprjazzjonijiet kienu meqjusa bħala ħtif tal-art; billi l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Etjopja, li għandha l-mandat li tinvestiga dawn il-protesti, fid-19 ta' April 2017 irrapportat li bejn Ġunju u Ottubru 2016, inqatlu 462 persuna ċivili u 33 persuna membru tal-forzi ta' sigurtà, u indarbu 338 persuna ċivili u 126 membru tal-forzi ta' sigurtà;

K.

billi fid-9 ta' Ottubru 2016 il-Prim Ministru Etjopjan Hailemariam Desalegn iddikkjara stat ta' emerġenza, previst fil-Kostituzzjoni tal-Etjopja; billi l-istat ta' emerġenza jagħti awtorizzazzjoni lill-militar biex jinforza s-sigurtà nazzjonali u jimponi restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-libertà tal-espressjoni u l-aċċess għall-informazzjoni; billi fil-15 ta' Marzu 2017, il-gvern ħabbar li ħafna restrizzjonijiet marbuta mal-istat ta' emerġenza ġew imneħħija, u ddikjara li l-post ta' kmand ma kienx se jkun f'pożizzjoni li jarresta persuni b'mod arbitrarju jew iwettaq tfittxijiet ta' propjetà mingħajr mandati, u li l-kerfjus u xi restrizzjonijiet fuq ir-rappurtar tal-midja, kienu se jitneħħew; billi fid-29 ta' Marzu 2017, il-Parlament Etjopjan qabel b'mod unanimu li jtawwal l-istat ta' emerġenza b'erba' xhur;

L.

billi fit-30 ta' Novembru 2016, il-forzi tas-sigurtà Etjopjani arrestaw lil Dr Merera Gudina, il-President tal-Kungress Federalista Oromo, partit tal-oppożizzjoni Etjopjan, f'Addis Ababa, wara ż-żjara tiegħu fil-Parlament Ewropew fid-9 ta' Novembru 2016, fejn kien f'panel ma' mexxejja oħra tal-oppożizzjoni u allegatament kiser il-liġi li timplimenta l-istat ta' emerġenza billi “ħoloq pressjoni kontra l-gvern”, “hedded is-soċjetà permezz tal-vjolenza” u pprova “jfixkel l-ordni kostituzzjonali”; billi t-talba tiegħu għall-ħelsien fuq pleġġ ġiet miċħuda u għadu qed jinżamm taħt kustodja sakemm jingħata l-verdett; billi fl-24 ta' Frar 2017, Dr Gudina u żewġ koimputati, Berhanu Nega u Jawar Mohammed ġew akkużati b'erba' akkużi separati ta' nonkonformità mal-kodiċi kriminali tal-Etjopja;

M.

billi attivisti, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem oħrajn, fosthom Getachew Shiferaw (Kap Editur ta' Negere Ethiopia), Fikadu Mirkana (tal-Organizzazzjoni ta’ radju u televiżjoni Oromia), Eskinder Nega (ġurnalist prominenti), Bekele Gerba (paċifist Oromo), u Andargachew Tsige (kap tal-oppożizzjoni) ukoll ġew arrestati jew qed jinżammu taħt kustodja; billi l-attivista online Yonathan Tesfaye instab ħati taħt il-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu għall-kummenti li għamel fuq Facebook, u jiffaċċja bejn 10 sa 20 sena ħabs;

N.

billi l-kardjologu Svediż-Etjopjan Dr Fikru Maru kien imexxi l-ewwel sptar tal-qalb tal-Etjopja f'Addis Ababa; billi ilu jinżamm il-ħabs fl-Etjopja mill-2013 fuq akkużi ferm dubjużi; billi, qatta' bosta snin il-ħabs mingħajr proċess; billi issa ġie akkużat b'akkużi addizzjonali ta' “terroriżmu” eżatt qabel it-tmiem tas-sentenza ta' priġunerija tiegħu;

O.

billi l-Etjopja reċentement ospitat uffiċjali ta' livell għoli tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, Stavros Lambrinidis, fl-okkażjoni tat-tnedija tad-djalogu settorjali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza fl-ambitu tal-Impenn Strateġiku bejn l-UE u l-Etjopja; billi l-progress fit-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Etjopja kien wieħed kajman, inkluż fir-rigward tal-priġunerija ta' esponenti politiċi, l-użu kontinwu tal-liġi kontra t-terroriżmu/tal-liġi tal-OSĊ u l-estensjoni tal-istat ta' emerġenza;

P.

billi fil-5 ta' Mejju 2017, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, iddikjara li l-Proklamazzjoni dwar il-Karitajiet u s-Soċjetajiet u l-liġijiet tal-midja tal-massa u dawk kontra t-terroriżmu fl-Etjopja “ma jidhrux allinjati man-normi legali internazzjonali rilevanti, u jenħtieġ li jiġu riformati”;

1.

Jistieden lill-Gvern Etjopjan jeħles immedjatament fuq pleġġ u jwaqqa' l-akkużi kollha kontra Dr Merera Gudina, Dr Fikru Maru u l-priġunieri politiċi l-oħra kollha u li jwaqqa’ l-każijiet kontra Berhanu Nega u Jawar Mohammed, li kienu akkużati in absentia u bħalissa huma fl-eżilju; jisħaq fuq il-fatt li sabiex kwalunkwe djalogu mal-oppożizzjoni jkun jista' jitqies kredibbli, mexxejja politiċi tal-oppożizzjoni, bħalma hu Dr Merera Gudina, għandhom jiġu rilaxxati; jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-UE timmobilizza lill-Istati Membri tal-UE sabiex b'mod urġenti jaħdmu fuq it-twaqqif ta' inkjesta internazzjonali mmexxija min-NU sabiex issir investigazzjoni indipendenti, trasparenti u kredibbli dwar il-qtil ta' dimostranti u ssir pressjoni fuq il-gvern Etjopjan biex jagħti l-kunsens tiegħu;

2.

Iħeġġeġ lill-Gvern Etjopjan biex ikompli jneħħi r-restrizzjonijiet u jtemm l-istat ta' emerġenza, filwaqt li jirrikonoxxi li dan qed jipprevjeni l-libertà ta' espressjoni u qed jillimita b'mod qawwi l-fehmiet diversi u leġittimi dwar is-soċjetà Etjopjana, li huma tant meħtieġa biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-Etjopja; jenfasizza li dan in-nuqqas ta' diskussjoni qed ipoġġi f'riskju l-istabbiltà tal-Etjopja;

3.

Jitlob lill-awtoritajiet Etjopjani biex ma jkomplux jużaw il-leġislazzjoni kontra t-terroriżmu (il-Proklamazzjoni Kontra t-Terroriżmu Nru 652/2009) biex irażżnu d-dissens jew il-protesti paċifiċi leġittimi; jistieden ukoll lill-Gvern Etjopjan jirrevedi l-liġi kontra t-terroriżmu tiegħu;

4.

Iqis li fl-Etjopja hemm bżonn ta' parteċipazzjoni demokratika iktar diversa mil-lat etniku u aċċess aktar ugwali għall-opportunitajiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali fost il-gruppi etniċi u reliġjużi differenti;

5.

Iħeġġeġ lill-Gvern Etjopjan jirrispetta bis-sħiħ il-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-istampa kif previst fil-Kostituzzjoni tal-Etjopja u jeħles lill-ġurnalisti u lill-bloggers detenuti inġustament; jemmen bis-sħiħ li l-protesti paċifiċi huma parti minn proċess demokratiku, u jenħtieġ li jiġu evitati reazzjonijiet b'forza eċċessiva taħt kwalunkwe ċirkostanza; iħeġġeġ lill-gvern jimplimenta b'mod xieraq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Etjopjana għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-protesti vjolenti ta' dan l-aħħar, b'mod partikolari bil-ħsieb li l-membri tal-forzi tas-sigurtà varji responsabbli għall-vjolenza jitressqu quddiem il-ġustizzja, jiġu evitati attakki mmirati kontra nazzjonalitajiet speċifiċi u jitħares id-dritt taċ-ċittadini għall-ġustizzja;

6.

Ifakkar lill-Gvern Etjopjan fl-obbligi tiegħu li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali, inklużi l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust, kif previst fil-Karta Afrikana u fi strumenti internazzjonali u reġjonali oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Ftehim ta' Cotonou u speċifikament l-Artkoli 8 u 96 tiegħu;

7.

Jitlob lill-Gvern Etjopjan jagħti lill-NGOs u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem aċċess bla xkiel għall-partijiet kollha tal-pajjiż, partikolarment dawk iż-żoni fejn hemm il-kunflitti u l-protesti;

8.

Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-leġiżlazzjoni li tillimita b'mod qawwi d-dritt għal-libertà ta' espressjoni, tal-istampa, tal-informazzjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, u l-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem;

9.

Ifakkar li l-Etjopja hi pajjiż importanti ta' destinazzjoni, tranżitu u oriġini għall-migranti, u li tospita l-akbar popolazzjoni ta' refuġjati fl-Afrika; jinnota l-adozzjoni ta' Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Etjopja li tkopri l-kwistjonijiet tar-refuġjati, il-kontroll tal-fruntieri u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea tissorvelja mill-qrib il-proġetti kollha li nbdew reċentement fil-qafas tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika; ifakkar li l-Etjopja hi t-tieni pajjiż bl-ikbar popolazzjoni fl-Afrika u waħda mill-ekonomiji tagħha li qed tikber bl-aktar rata mgħaġġla, imma madankollu, għadha waħda mill-ifqar; ifakkar li b'5 328 km ta' fruntieri, l-Etjopja qed tħabbat wiċċha mal-fraġilità tal-ġirien tagħha u influssi permanenti ta' migranti, u fil-fatt tospita madwar 800 000 refuġjat;

10.

Jinnota r-rwol ewlieni tal-Etjopja fir-reġjun, u partikolarment l-appoġġ tagħha favur l-istabbilizzazzjoni tas-Somalja, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-proċess ta' paċi bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel u dak fis-Sudan t'Isfel innifsu; jemmen li huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea tmexxi djalogu politiku ma' dan il-pajjiż ta' importanza ewlenija;

11.

Jesprimi tħassib kbir dwar in-nixfa attwali fl-Etjopja li wasslet għad-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż; jilqa' l-EUR 165 miljun addizzjonali f'assistenza lir-reġjun minħabba l-kriżi fis-Sudan t'Isfel u l-pajjiżi ġirien, kif ukoll minħabba n-nixfa fl-Etjopja, fis-Somalja u fil-Kenja;

12.

Ifaħħar lill-Etjopja għall-progress li għamlet fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-popolazzjoni tagħha li qed tikber bil-ħeffa, inklużi r-refuġjati mill-kunflitti fil-pajjiżi ġirien, u japprezza t-tmexxija li qed turi f'dan ir-reġjun u fl-Unjoni Afrikana;

13.

Huwa tal-fehma li kooperazzjoni futura tal-UE mal-Etjopja jenħtieġ li tikkonsidra l-kisba ta' progress sostantiv b'rabta ma' punti ta' riferiment tad-drittijiet tal-bniedem;

14.

Jitlob lill-awtoritajiet tal-Etjopja sabiex jipprevjenu d-diskriminazzjoni etnika u jieħdu passi biex jiżviluppaw djalogu paċifiku u kostruttiv bejn il-komunitajiet differenti;

15.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana u lill-Parlament Pan-Afrikan, u lill-Gvern tal-Etjopja.

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/92


P8_TA(2017)0220

Is-Sudan t'Isfel

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar is-Sudan t'Isfel (2017/2683(RSP))

(2018/C 307/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Mejju 2017 maħruġa mit-Trojka (l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u n-Norveġja) u l-UE dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Sudan t'Isfel,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' April 2017 maħruġa mill-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Sudan t'Isfel,

wara li kkunsidra r-rapport finali tat-13 ta' April 2017 tal-Panel ta' Esperti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sudan t'Isfel,

wara li kkunsidra l-komunikat tal-25 ta' Marzu 2017 tat-30 Summit straordinarju tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) dwar is-Sudan t'Isfel,

wara li kkunsidra r-riżultat tal-34 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġinevra, li saret mis-27 ta' Frar sal-24 ta' Marzu 2017,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Marzu 2017 maħruġa mill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sudan t'Isfel,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew tal-1 ta' Frar 2017,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2327 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-16 ta' Diċembru 2016,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sudan t'Isfel tat-12 ta' Diċembru 2016,

wara li kkunsidra r-rapport umanitarju tad-9 ta' Mejju 2017 tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-NU,

wara li kkunsidra l-Ftehim tal-IGAD dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Konflitt fis-Sudan t'Isfel (ARCSS) tas-17 ta' Awwissu 2015,

wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA) Sudaniż tal-2005,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou rivedut,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi s-Sudan t'Isfel ilu involut fi gwerra ċivili għal aktar minn tliet snin, li faqqgħet wara li Salva Kiir, il-President tal-pajjiż u membru tal-grupp etniku Dinka, akkuża lill-Viċi President tiegħu li tneħħa mill-kariga, Riek Machar, ta' etniċità Nuer, li kien ippjana kolp ta' stat kontrih; billi Riek Machar ċaħad li għamel attentat ta' kolp ta' stat;

B.

billi, minkejja l-iffirmar tal-ARCSS f'Awwissu 2015, għad hemm nuqqas totali ta' kunsiderazzjoni għad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u għad-dritt umanitarju u nuqqas ta' obbligu ta' rendikont għal ksur u abbużi li jitwettqu waqt il-kunflitti;

C.

billi l-pajjiż qed jiffaċċja karestija u kollass ekonomiku minħabba l-gwerra ċivili, fejn aktar minn 3,6 miljun ruħ kienu mġiegħla jaħarbu minn darhom u madwar 4,9 miljun ruħ qed jgħixu f'insikurezza tal-ikel; billi l-ħtiġijiet umanitarji komplew jiżdiedu għal livelli allarmanti, fejn huwa stmat li madwar 7,5 miljun ruħ jinsabu fi bżonn ta' għajnuna umanitarja u aktar minn miljun ruħ bħalissa qed jirċievu kenn f'binjiet tan-NU; billi l-aġenziji tan-NU saħħew l-appell tagħhom għall-għajnuna umanitarja, billi qalu li għandhom bżonn ta' mill-inqas USD 1,4 biljun biex jgħinu ħalli jittaffew il-livelli “inkonċepibbli” ta' tbatija; billi 14 % biss ta' din is-sejħa ġew iffinanzjati s'issa;

D.

billi, bir-rati attwali, sa tmiem l-2017 nofs il-popolazzjoni tal-pajjiż se jkunu mietu jew ġew spostati; billi mhuwiex magħruf kemm nies ġew maqtula minħabba l-vjolenza;

E.

billi, skont l-aħħar rapport tal-panel ta' esperti tan-NU, il-Gvern tas-Sudan t'Isfel instab li huwa wieħed mill-akbar atturi li jwettqu l-vjolenza u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, filwaqt li l-karestija qed tiġi kkunsidrata bħala “magħmula mill-bniedem” u l-fatt li l-Gvern tas-Sudan t'Isfel qed itajjar il-flus fuq l-armi qed jiġi meqjus bħala waħda mill-kawżi ewlenin;

F.

billi f'dawn l-aħħar ġimgħat offensivi kbar tal-gvern f'Yuai, Waat, Tonga u Kodok irriżultaw f'konsegwenzi umanitarji traġiċi, inkluż l-ispostament ta' bejn 50 000 u 100 000 individwu; billi dan qed iseħħ wara l-qtil ta' għadd kbir ta' persuni ċivili fit-8 ta' April 2017 fil-belt ta' Wau fil-Punent tal-pajjiż bħala att ta' kastig kollettiv fuq bażi ta' etniċità u ta' fehmiet politiċi; billi l-forzi tal-gvern qed ikomplu jimmiraw għal persuni ċivili, bi ksur tal-liġi dwar il-kunflitt armat, u mblukkaw lill-missjoni tan-NU milli tipproteġi lill-popolazzjoni ċivili;

G.

billi l-isptarijiet u l-kliniki ġew meqruda mill-gvern, att li jikkostitwixxi delitt tal-gwerra; billi t-tagħmir mill-isptarijiet u mill-kliniki ġie misruq, fatt li wassal għall-għeluq ta' bini u biex in-nies ma setgħux jirċievu kura medika li ssalva l-ħajja;

H.

billi kważi waħda minn kull tliet skejjel fis-Sudan t'Isfel ġiet meqruda, iddanneġġjata, okkupata jew magħluqa, b'impatt fuq l-edukazzjoni ta' ġenerazzjoni sħiħa ta' tfal; billi aktar minn 600 000 tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin huma stmati li huma nieqsa min-nutrizzjoni b'mod akut;

I.

billi madwar żewġ miljun tifel u tifla ħarbu mill-pajjiż, li jikkostitwixxu 62 % tar-rifuġjat li telqu mis-Sudan t'Isfel, fejn il-kunflitt ikkawżalhom trawma, stress u taqlib emozzjonali insopportabbli; billi huwa stmat li 17 000 tifel u tifla, l-aktar subien, ġew irreklutati jew użati bħala suldati minn forzi u gruppi armati fil-pajjiż; billi eluf ta' tfal inqatlu, ġew stuprati, sfaw spostati jew spiċċaw orfni;

J.

billi n-nisa u l-bniet jiġu sistematikament stuprati u maħtufa bħala arma tal-gwerra, fejn stħarriġ tan-NU sab li 70 % tan-nisa li jgħixu fil-kampijiet għall-persuni spostati internament f'Juba kienu ġew stuprati, fil-maġġoranza vasta tagħhom mill-pulizija jew mis-suldati;

K.

billi minħabba l-instabilità fil-pajjiżi ġirien, is-Sudan t'Isfel qed jospita wkoll madwar 270 000 rifuġjat mis-Sudan, mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), mill-Etjopja u mir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA);

L.

billi f'Ġunju 2016, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikkjarat tifqigħa tal-kolera, li diġà affettwat eluf u kien rappurtat li kompliet tinxtered f'dawn l-aħħar ġimgħat; billi bosta mwiet mill-kolera, il-malarja, il-ħosba, id-dijarea u mard respiratorju akut huma r-riżultat ta' faqar estrem u kundizzjonijiet ta' għajxien kundannabbli, u ħafna mwiet setgħu jiġu evitati sempliċement kieku dawk il-persuni kellhom aċċess għall-kura tas-saħħa;

M.

billi l-ARCSS jistipula li l-mandat tal-Gvern ta' Tranżizzjoni ta' Unità Nazzjonali (TGNU) jenħtieġ li jintemm wara l-elezzjonijiet ta' Awwissu 2018;

N.

billi, skont rapporti tan-NU u rapporti kredibbli oħra, sensara bbażati fi Stati Membri tal-UE kif ukoll bosta pajjiżi terzi ittrasferixxew ħelikopters u machine guns lill-fazzjonijiet armati fis-Sudan t'Isfel u pprovdew assistenza loġistika militari; billi n-natura mtawla tal-kunflitt ippermettiet il-ħolqien ta' gruppi armati ġodda u l-militarizzazzjoni tas-soċjetà;

O.

billi l-għadd ta' attakki kontra konvoys u persunal umanitarji huwa estremament inkwetanti; billi mill-inqas 79 ħaddiem li jagħtu l-għajnuna nqatlu minn Diċembru 2013 'l hawn; billi, reċentement, f'Marzu 2017, sitt ħaddiema li jagħtu l-għajnuna u s-sewwieqa tagħhom inqatlu f'dak li kien l-agħar attakk kontra l-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja s'issa;

P.

billi fil-21 ta' Frar 2017, il-Kummissjoni ħabbret pakkett ta' għajnuna ta' emerġenza b'valur ta' EUR 82 miljun wara li faqqgħet il-karestija; billi l-UE hija waħda mill-akbar donaturi lill-pajjiż, u tipprovdi aktar minn 40 % tal-finanzjament umanitarju kollu biex jappoġġa programmi biex jiġu salvati l-ħajjiet fl-2016 u madwar EUR 381 miljun f'għajnuna umanitarja mill-bidu tal-kunflitt fl-2013;

1.

Jesprimi t-tħassib profond tiegħu rigward il-kunflitt kontinwu fis-Sudan t'Isfel; jitlob li jintemmu minnufih l-operazzjonijiet militari kollha u għal darb' oħra jfakkar lill-President Salva Kiir, kif ukoll lill-eks Viċi President, Rick Machar, fl-obbligi tagħhom taħt l-ARCSS; jistieden lill-President Kiir jimplimenta minnufih l-impenn tiegħu għal waqfien mill-ġlied unilaterali kif mgħoddi lill-kapijiet ta' stat tal-IGAD fil-25 ta' Marzu 2017;

2.

Jitlob li jkun hemm waqfien immedjat u komplet mill-partijiet kollha għall-kunflitt armat tal-atti kollha ta' vjolenza sesswali kontra persuni ċivili, speċjalment kontra n-nisa u l-bniet; ifakkar li l-istupru bħala arma tal-gwerra jikkostitwixxi reat tal-gwerra punibbli taħt il-liġi internazzjonali; jistieden lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel joffri protezzjoni lill-gruppi vulnerabbli kollha, iressaq lill-atturi tar-reati quddiem il-ġustizzja u jtemm l-impunità fost il-pulizija u l-armata;

3.

Jikkundanna l-attakki kollha kontra l-persuni ċivili u l-ħaddiema li jagħtu l-għajnuna umanitarja, billi jżid jgħid li l-attakki kontra dawn tal-aħħar ixekklu l-għajnuna u l-provvisti li jsalvaw il-ħajjiet; jenfasizza li ma jista' jkun hemm ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt u li l-Gvern tas-Sudan t'Isfel irid jiżgura li jkun hemm waqfien mill-ġlied sinifikanti li juri impenn ġenwin lejn il-paċi u l-istabilità; jemmen li l-obbligu tal-paċi għandu jmur lil hinn minn sempliċi waqfien mill-ostilitajiet u għandu jinkludi l-irtirar tat-truppi, ix-xoljiment tal-milizzji etniċi, u l-permess mingħajr xkiel ta' għajnuna umanitarja u r-rilaxx tal-priġunieri politiċi;

4.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż kollu, li qed tkompli tmur għall-agħar; jitlob, għalhekk, għal darb' oħra lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-għajnuna umanitarja sabiex itaffu l-karestija, u jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern tas-Sudan t'Isfel biex jiżgura li r-rotot tal-provvista tal-għajnuna umanitarja jibqgħu miftuħa;

5.

Jiddeplora r-reklutaġġ tat-tfal fil-kunflitt armat min-naħat kollha fis-Sudan t'Isfel; jenfasizza li r-reklutaġġ tat-tfal mill-partijiet tal-kunflitt huwa delitt tal-gwerra, li għalih il-kmandanti għandhom jinżammu kriminalment responsabbli; iwissi li ġenerazzjoni sħiħa ta' żgħażagħ tinsab fil-periklu li tesperjenza trawma qawwija, taqlib emozzjonali sever u li ma tirċievi l-ebda edukazzjoni; jitlob li l-programmazzjoni umanitarja u ta' żvilupp tal-UE tgħin fil-provvediment tal-edukazzjoni bażika u r-rijabilitazzjoni fit-tul u l-għoti ta' pariri; jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' faċilitajiet edukattivi għal operazzjonijiet militari;

6.

Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) jużaw ir-riżorsi kollha disponibbli biex jinvolvu n-NU, l-Unjoni Afrikana (UA) u l-IGAD fil-varar ta' proċess politiku ġdid biex jinkisbu waqfien mill-ġlied dejjiemi u l-implimentazzjoni sħiħa tal-kapitoli dwar is-sigurtà u l-governanza tal-ftehim ta' paċi;

7.

Iqis li l-UA, appoġġata mill-UE u l-Istati Membri tagħha, għandu jkollha rwol attiv fil-medjazzjoni ta' soluzzjoni politika biex tinkiseb paċi dejjiema fis-Sudan t'Isfel, inkluż billi tiddedika aktar riżorsi lill-mibgħut tal-UA fis-Sudan t'Isfel, Alpha Oumar Konare; jappoġġa t-talbiet li tiġi organizzata konferenza internazzjonali mill-Kummissjoni tal-UA, bil-parteċipazzjoni tan-NU u l-IGAD, bl-għan li jiġu magħquda u rikonċiljati l-isforzi internazzjonali biex tintemm il-gwerra fis-Sudan t'Isfel;

8.

Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU għas-Sudan t'Isfel u l-mandat tal-missjoni tan-NU fis-Sudan t'Isfel (UNMISS) u l-Forza ta' Protezzjoni Reġjonali tagħha, li għandhom il-kompitu li jipproteġu lill-persuni ċivili u jiskoraġġixxu l-vjolenza kontrihom, u li joħolqu l-kondizzjonijiet meħtieġa għat-twassil ta' għajnuna umanitarja; jistieden lill-partiti kollha jiffaċilitaw l-iskjerament rapidu ta' Forza ta' Protezzjoni Reġjonali attiva bil-mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, sabiex tissaħħaħ il-preżenza attiva tal-UNMISS, u jistieden lill-Istati Membri u lill-VP/RGħ isaħħu b'mod urġenti u sinifikanti l-UNMISS b'kapaċitajiet Ewropej;

9.

Jenfasizza, bħala kwistjoni ta' urġenza, il-ħtieġa li tiġi stabbilita qorti ibrida għas-Sudan t'Isfel, li jinvolvi l-adozzjoni ta' statuti legali mill-UA u assistenza b'riżorsi min-NU u l-UE; ifakkar li din tikkostitwixxi parti mill-ftehim ta' paċi tal-2016 u għalhekk ma għandhiex tkun miftuħa għal negozjar mill-ġdid;

10.

Jinsisti li, sabiex ikun sinifikattiv u inklużiv, il-proċess ta' djalogu nazzjonali għandu jissodisfa kriterji ta' referenza ċari, inklużi t-tmexxija newtrali u l-inklużjoni tal-gruppi tal-oppożizzjoni u taċ-ċittadini tas-Sudan t'Isfel li jgħixu barra minn pajjiżhom, u li għandu wkoll jinkludi rappreżentanti mill-partijiet kollha għall-kunflitt u partijiet ikkonċernati oħra mis-Sudan t'Isfel, inklużi rappreżentanti tan-nisa, biex ikun leġittimu u effettiv;

11.

Jikkundanna t-tentattivi kollha biex tiġi limitata l-libertà tal-espressjoni, li hija dritt bażiku tal-bniedem u parti minn dibattitu politiku ġenwin; jiddeplora l-qtil ta' ħaddiema tal-għajnuna umanitarja, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti, u jitlob li min wettaq dawn id-delitti jitressaq quddiem il-ġustizzja; jitlob il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha;

12.

Jikkundanna l-attakki kollha fuq il-binjiet edukattivi u pubbliċi u l-użu ta' skejjel għal skopijiet militari; jistieden lill-partijiet jirrispettaw il-linji gwida għall-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militari waqt Kunflitt Armat;

13.

Jiddispjaċih li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU naqas milli jadotta riżoluzzjoni fit-23 ta' Diċembru 2016 li kienet timponi embargo fuq l-armi fuq is-Sudan t'Isfel u projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi fuq tliet mexxejja għolja tas-Sudan t'Isfel; jitlob lill-UE taħdem għal embargo internazzjonali fuq l-armi kontra s-Sudan t'Isfel, u li dan jiġi infurzat b'mod effettiv; jinsab allarmat b'rapporti ta' trasferimenti ta' armi lejn is-Sudan t'Isfel, bi vjolazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/CFSP, iffaċilitat minn sensara li huma bbażati fi Stati Membri tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli jinfurzaw il-konformità mar-reġim ta' kontroll tal-armamenti tal-UE u jieħdu passi formali kontra kwalunkwe pajjiż terz li jkun intwera li jesporta armi u assistenza militari lis-Sudan t'Isfel;

14.

Jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li kwalunkwe rimpatriju jew rilokazzjoni ta' persuni spostati internament jitwettaq b'mod sikur u dinjituż; jitlob l-użu ta' sanzjonijiet immirati kontra kwalunkwe figura militari jew politika ewlenija tal-gvern jew tal-oppożizzjoni li tipperpetwa l-kunflitt jew twettaq abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, bħala parti minn strateġija tal-UE biex jiġi żgurat it-twassil tal-għajnuna umanitarja, il-preservazzjoni ta' waqfien mill-ġlied u t-twettiq ta' proċess politiku mġedded biex jiġi implimentat il-ftehim ta' paċi;

15.

Jemmen li, minħabba kunflitt rikorrenti, l-insikurezza u l-ispostament tal-massa, ma jistgħux isiru elezzjonijiet kredibbli u paċifiċi fl-ambjent politiku attwali; ifakkar li l-mandat tal-Gvern ta' Tranżizzjoni ta' Unità Nazzjonali jibqa' validu sa Ġunju 2018; jenfasizza l-importanza li n-nisa tas-Sudan t'Isfel jingħataw rwol sħiħ fit-taħdidiet ta' paċi u fl-iggvernar tal-pajjiż; jitlob lill-UE tappoġġa lin-nisa fil-livell tal-komunità, li jagħmlu differenza li titkejjel fil-kwalità tan-negozjati tal-paċi billi jreġġgħu lura l-mewġa ta' suspett u jibnu l-fiduċja u jippromwovu r-rikonċiljazzjoni;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-Sudan t'Isfel, lill-Assemblea Leġiżlattiva Nazzjonali tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/96


P8_TA(2017)0222

It-taħlita ta' finanzjament it-tajba għar-reġjuni tal-Ewropa: ibbilanċjar tal-istrumenti u l-għotjiet finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni tal-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar it-taħlita ta' finanzjament it-tajba għar-reġjuni tal-Ewropa: ibbilanċjar tal-istrumenti u l-għotjiet finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni tal-UE (2016/2302(INI))

(2018/C 307/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, it-Titolu XVIII tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1) (CPR), u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni marbuta mal-artikoli rilevanti ta' dan ir-Regolament,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea – l-aħjar prattiki u miżuri innovattivi (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar il-politika ta' koeżjoni u r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020 (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar “Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni” (8),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tiegħu li jinsab fir-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu bit-titolu “Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali għall-2014” (A8-0050/2016),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu “Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej” (COM(2015)0639),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu “Pjan ta' Investiment għall-Ewropa” (COM(2014)0903),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bit-titolu “Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta' finanzjament ta' riskju” (9),

wara li kkunsidra s-Sitt Rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tat-23 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir. (COM(2014)0473),

wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-Kummissjoni ta' Awwissu 2016 bit-titolu “Evalwazzjoni ex post tal-Programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013, li tiffoka fuq il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK)”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ottubru 2014 bit-titolu “L-istrumenti finanzjarji sostnuti mill-baġit ġenerali skont l-Artikolu 140.8 tar-Regolament Finanzjarju mill-31 ta' Diċembru 2013” (COM(2014)0686),

wara li kkunsidra l-Gwida tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2015 għall-Istati Membri dwar l-Artikolu 42(1)(d) CPR – L-ispejjeż u t-tariffi eliġibbli għall-ġestjoni,

wara li kkunsidra l-Gwida tal-Kummissjoni tal-10 ta' Awwissu 2015 għall-Istati Membri dwar l-Artikolu 37(7) (8) (9) CPR – Kombinament ta' appoġġ minn strument finanzjarju ma' forom oħrajn ta' appoġġ,

wara li kkunsidra l-Gwida tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2015 għall-Istati Membri dwar l-Artikolu 37(2) CPR – Valutazzjoni ex ante,

wara li kkunsidra l-gwida ta' referenza tal-Kummissjoni għall-Awtoritajiet Maniġerjali tat-2 ta' Lulju 2014, bit-titolu “Strumenti Finanzjarji fil-programmi tal-FSIE 2014-2020”,

wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-Kummissjoni ta' Novembru 2016 bit-titolu “Strumenti Finanzjarji skont il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej. Sommarji tad-data dwar il-progress magħmul fil-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”,

wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2015 bit-titolu “Sommarji tad-data dwar il-progress magħmul fil-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”,

wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-Kummissjoni ta' Settembru 2014 bit-titolu “Sommarju tad-data dwar il-progress magħmul fil-finanzjament u l-implimentazzjoni ta' strumenti ta' inġinerija finanzjarja rrapportata mill-awtoritajiet maniġerjali skont l-Artikolu 67(2)(j) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006”,

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2015 bit-titolu “Attivitajiet relatati mal-istrumenti finanzjarji”: (jakkumpanja d-dokument: Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istrumenti finanzjarji appoġġati mill-baġit ġenerali skont l-Artikolu 140(8) tar-Regolament Finanzjarju kif kienu fil-31 ta' Diċembru 2014) (SWD(2015)0206),

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 19/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu “Implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta' strumenti finanzjarji – tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013”,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 5/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu “L-istrumenti finanzjarji huma għodda ta' suċċess u promettenti fil-qasam tal-iżvilupp rurali?”,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 16/2014 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu “L-effettività tal-kombinament ta' għotjiet tal-faċilitajiet ta' investiment reġjonali ma' selfiet minn istituzzjonijiet finanzjarji għall-appoġġ ta' politiki esterni tal-UE”,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 2/2012 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu “L-istrumenti finanzjarji għall-SMEs kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali”,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu “Strumenti finanzjarji li jappoġġaw l-iżvilupp territorjali”,

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Bank Ewropew tal-Investiment ta' Marzu 2013, bit-titolu “L-istrumenti Finanzjarji: Eżerċizzju ta' Rendikont bħala Tħejjija għall-Perjodu ta' Programmazzjoni 2014-2020”,

wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu “L-Istrumenti Finanzjarji fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020: l-ewwel esperjenzi tal-Istati Membri”, ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament, id-Dipartiment Tematiku B: Il-Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, Ottubru 2016,

wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu “Rieżami tar-Rwol tal-Grupp tal-BEI fil-Politika ta' Koeżjoni Ewropea”, ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament, id-Dipartiment Tematiku B: Il-Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, Marzu 2016,

wara li kkunsidra t-tgħarrif bit-titolu “L-isfidi għall-politika ta' koeżjoni tal-UE: Kwistjonijiet fir-riforma li jmiss wara l-2020”, Servizz Ewropew ta' Riċerka Parlamentari, Mejju 2016,

wara li kkunsidra l-iskeda informattiva bit-titolu “L-implimentazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni fl-UE28”, Servizz Ewropew ta' Riċerka Parlamentari, Settembru 2015,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0139/2017),

A.

billi r-rieżami/reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u l-fatt li l-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 qed joqrob lejn nofs it-terminu tiegħu wasslu għad-diskussjoni dwar it-taħlita ta' għotjiet u strumenti finanzjarji li jridu jiġu investiti permezz tal-baġit tal-UE matul il-perjodu wara l-2020;

B.

billi l-Proposta Omnibus (COM(2016)0605) tirrappreżenta l-unika opportunità għal firxa ta' titjib f'nofs it-terminu fis-sistema li tirregola l-perjodu ta' programmazzjoni attwali;

C.

billi t-terminu “strumenti finanzjarji” jkopri varjetà ta' strumenti, u l-valutazzjoni u d-deċiżjonijiet dwar l-użu tagħhom jeħtieġu analiżi kostanti dettaljata każ b'każ, b'rabta ma' valutazzjoni tal-bżonnijiet speċifiċi tal-ekonomiji lokali u reġjonali jew ta' grupp partikolarment fil-mira;

Il-perjodu 2007-2013 – investiment affidabbli permezz ta' għotjiet u strumenti finanzjarji

1.

Jirrikonoxxi li, għalkemm l-istrumenti finanzjarji ġew imfassla qabel il-kriżi finanzjarja u ekonomika u ma kinux l-aktar xierqa għal kuntest ekonomiku ta' kriżi, l-eżerċizzju ta' rapportar tal-Kummissjoni jipprovdi evidenza qawwija li l-investiment fil-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (Fondi SIE) permezz ta' għotjiet u strumenti finanzjarji rriżulta f'impatt solidu u riżultati viżibbli permezz ta' investimenti fir-reġjuni tal-UE, li ammontaw għal EUR 347,6 biljun, bl-esklużjoni ta' kofinanzjament nazzjonali u ta' riżorsi ingranati b'mod addizzjonali;

2.

Jilqa' l-operazzjonijiet eżistenti tal-Politika ta' Koeżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li jidhru fir-rapporti annwali u fir-rapporti settorjali, li jiżvelaw l-impatt fuq l-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, l-infrastruttura, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-ambjent, l-enerġija u l-agrikoltura; jikkonkludi li s-self mill-BEI maħsub biex jappoġġa l-Politika ta' Koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 huwa stmat li jammonta għal EUR 147 biljun, ammont li jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 38 % tas-self kollu fl-UE;

Il-perjodu 2014-2020 – paġna ġdida fl-investiment permezz tal-Fondi SIE

3.

Jilqa' l-fatt li, fil-perjodu 2014-2020, l-UE mistennija tinvesti EUR 454 biljun permezz tal-Fondi SIE u, b'kofinanzjament nazzjonali għall-investiment fil-forma ta' għotjiet u strumenti finanzjarji, is-somma mistennija titla' għal EUR 637 biljun;

4.

Jirrikonoxxi li kemm il-volum kif ukoll il-kwalità tal-istrumenti finanzjarji (fil-forma ta' mikrokreditu, self, garanziji, ekwità u kapital ta' riskju) skont il-ġestjoni kondiviża tal-Politika ta' Koeżjoni żdiedu; jenfasizza ż-żewġ raġunijiet ewlenin għal din ix-xejra – il-perjodu 2007-2013 ipprovda esperjenza u lezzjonijiet siewja rigward l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE permezz ta' għotjiet u strumenti finanzjarji, filwaqt li l-QFP għall-perjodu 2014-2020 jirrifletti l-ħtieġa wara l-kriżi ta' aktar strumenti finanzjarji minħabba limitazzjonijiet fiskali;

5.

Jinnota li, skont l-istimi, l-allokazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) kienu kważi se jirdoppjaw bejn il-perjodu 2007-2013, meta kienu jammontaw għal EUR 11,7 biljun, u l-perjodu 2014-2020, meta kienu se jammontaw għal EUR 20,9 biljun; jinnota li fil-perjodu 2014-2020 l-istrumenti finanzjarji għalhekk kienu se jirrappreżentaw 6 % tal-allokazzjoni globali tal-politika ta' koeżjoni ta' EUR 351,8 biljun, meta mqabbla mat-3,4 % tal-EUR 347 biljun allokati fil-perjodu 2007-2013;

6.

Jinnota li l-allokazzjonijiet mill-Fond ta' Koeżjoni jammontaw għal madwar EUR 75 biljun, li jirrappreżentaw 11,8 % tal-allokazzjonijiet totali tal-istrumenti finanzjarji fil-perjodu 2014-2020; jilqa' ż-żieda fl-allokazzjoni minn EUR 70 biljun fil-perjodu 2007-2013 għal EUR 75 biljun fil-perjodu 2014-2020; jenfasizza li jenħtieġ li l-allokazzjoni għall-Fond ta' Koeżjoni ma titnaqqasx, meta wieħed jikkunsidra li madwar 34 % tal-popolazzjoni tal-UE jgħixu f'reġjuni li jirċievu għajnuna mill-Fond ta' Koeżjoni;

7.

Jieħu nota tal-volum totali ta' EUR 5 571,63 miljun ta' kontribuzzjonijiet tal-programmi operattivi impenjat għall-istrumenti finanzjarji minn 21 Stat Membru sal-31 ta' Diċembru 2015 fil-QFP attwali, li EUR 5 005,25 miljun minnhom jiġu mill-FEŻR u mill-Fond ta' Koeżjoni;

8.

Jilqa' l-fatt li l-bidliet regolatorji kruċjali fil-programmazzjoni, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-istrumenti finanzjarji, bħal konnessjonijiet diretti mal-11-il objettiv tematiku kollha, valutazzjoni ex ante obbligatorja xierqa li tippermetti li l-fallimenti tas-suq jiġu identifikati, il-ħolqien ta' strumenti finanzjarji kummerċjalment disponibbli (off-the-shelf) simplifikati u mfassla apposta u mekkaniżmi ta' rapportar, jista' jkollhom impatt pożittiv kritiku fuq l-attrattività u l-veloċità tal-implimentazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni, billi jiġu indirizzati inċertezzi legali li qamu matul il-perjodu 2007-2013; jitlob, madankollu, li jsiru sforzi biex jiġi żgurat li dawn il-bidliet ma jaffettwawx l-attrattività u l-veloċità tal-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji;

Għotjiet u strumenti finanzjarji – il-loġika tal-intervent tiddefinixxi t-taħlita

9.

Jenfasizza li għalkemm qegħdin jappoġġaw l-istess objettivi tal-Politika ta' Koeżjoni, l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji tal-Fondi SIE, li mhumiex skop fihom infushom, taħt ġestjoni kondiviża għandhom loġika ta' intervent u applikazzjoni differenti li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-iżvilupp territorjali, il-ħtiġijiet settorjali jew il-ħtiġijiet tas-suq;

10.

Jirrikonoxxi li, skont it-tip ta' proġett, l-għotjiet ikollhom saħħiet differenti meta mqabbla mal-istrumenti finanzjarji: jappoġġaw il-proġetti li mhux neċessarjament jiġġeneraw dħul, jipprovdu finanzjament lil proġetti li għal diversi raġunijiet ma jistgħux jattiraw finanzjament pubbliku jew privat, jimmiraw lejn benefiċjarji, kwistjonijiet u prijoritajiet reġjonali speċifiċi u jbaxxu l-kumplessità tal-użu minħabba l-esperjenza u l-kapaċità eżistenti; jirrikonoxxi li, f'xi każijiet, l-għotjiet ikunu soġġetti għal limitazzjonijiet: diffikultajiet sabiex jintlaħqu l-kwalità u s-sostenibilità tal-proġetti, riskju ta' sostituzzjoni tal-finanzjament pubbliku fit-tul u effett ta' esklużjoni għall-investiment privat potenzjali, anki meta l-proġetti jistgħu jkunu ta' natura rotanti u jkollhom il-kapaċità li jiġġeneraw dħul sabiex jitħallas lura l-finanzjament ibbażat fuq is-self;

11.

Jirrikonoxxi li l-istrumenti finanzjarji joffru vantaġġi, bħall-ingranaġġ u l-effetti rotanti, l-attrazzjoni ta' kapital privat u l-kopertura ta' lakuni speċifiċi fl-investiment permezz ta' proġetti bankabbli ta' kwalità għolja, biex b'hekk jimmassimizzaw l-effiċjenza u l-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-politika reġjonali; jirrikonoxxi li l-istrumenti finanzjarji jġibu magħhom ċerti żvantaġġi, li jistgħu jikkawżaw li dawn ikunu kunfliġġenti ma' strumenti nazzjonali jew reġjonali aktar attraenti, bħal: implimentazzjoni aktar bil-mod f'xi reġjuni, kumplessità akbar, ingranaġġ inqas minn dak mistenni tal-istrumenti finanzjarji appoġġati mill-Fondi SIE, kif ukoll, f'xi każijiet, spejjeż ta' implimentazzjoni u tariffi tal-ġestjoni ogħla; jinnota li l-għotjiet jirrappreżentaw investimenti preferibbli f'xi oqsma ta' politika bħalma huma ċerti tipi ta' infrastruttura pubblika, is-servizzi soċjali, il-politika tar-riċerka u tal-innovazzjoni jew, b'mod ġenerali, mal-proġetti li ma jiġġenerawx dħul;

12.

Jenfasizza li l-loġika tal-intervent mhijiex linja diviżorja, iżda punt li jistabbilixxi kundizzjonijiet indaqs għall-għotjiet u għall-istrumenti finanzjarji sabiex il-Politika ta' Koeżjoni tkun tista' tiżgura kopertura aħjar tal-benefiċjarji u l-lakuni fl-investiment permezz ta' varjetà ta' miżuri; jirrimarka li l-loġika tal-intervent hi approċċ minn isfel għal fuq fil-programmazzjoni tal-Fondi SIE u li jenħtieġ li l-Istati Membri u r-reġjuni jkomplu jieħdu inkunsiderazzjoni l-aktar alternattiva xierqa meta liberament jistabbilixxu s-sehem tal-istrumenti finanzjarji jew l-għotjiet bħala għodod ta' implimentazzjoni li jikkontribwixxu għall-prijoritajiet magħżula fil-programmi operattivi rispettivi tagħhom, fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma involuti u għandhom rwol kruċjali x'jiżvolġu; ifakkar li l-awtoritajiet maniġerjali huma dawk li jeħtiġilhom jiddeċiedu minn jeddhom liema tip ta' strument finanzjarju huwa l-aktar adatt għall-implimentazzjoni;

Il-prestazzjoni tal-istrumenti finanzjarji – l-isfidi

13.

Jirrikonoxxi l-importanza li jintużaw l-istrumenti finanzjarji fl-operazzjonijiet tal-Politika ta' Koeżjoni; jilqa' l-fatt li r-rapportar dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji fl-2015 wera progress, minkejja d-dewmien fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni attwali; jinnota, madankollu, li l-progress dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-Fondi SIE mhux biss huwa diverġenti ħafna bejn Stat Membru u ieħor, iżda wkoll fl-Istati Membri individwali; ifakkar li l-esperjenza pożittiva u l-impatt tal-użu tal-istrumenti finanzjarji fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 kienu akkumpanjati minn għadd ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw il-prestazzjoni: il-bidu tard tal-operazzjonijiet, valutazzjoni tas-suq mhux preċiża, assorbiment reġjonali diverġenti, rati ta' żborż globali baxxi, effett ta' ingranaġġ baxx, rotazzjoni problematika, spejjeż u tariffi tal-ġestjoni għolja u allokazzjonijiet kbar b'mod inadegwat; ifakkar li sal-2015, wara li l-Kummissjoni estendiet l-iskadenzi tal-implimentazzjoni speċifiċi għall-istrumenti finanzjarji, għadd ta' nuqqasijiet osservati ġew mitigati permezz ta' miżuri mmirati;

14.

Jinnota li d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-Fondi SIE jista' jaffettwa r-rati ta' żborż, ir-rotazzjoni u l-ingranaġġ, u jenħtieġ li dan tal-aħħar ikun ibbażat fuq definizzjoni u fuq metodoloġiji użati minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OECD, b'distinzjoni ċara magħmula bejn il-kontribuzzjonijiet pubbliċi u privati u b'indikazzjoni pprovduta tal-livell preċiż ta' ingranaġġ possibbli taħt kull wieħed mill-istrumenti finanzjarji, imqassma skont il-pajjiż u r-reġjun; ifakkar li d-dewmien fil-perjodu 2007-2013 ikkontribwixxa b'mod irriversibbli għall-prestazzjoni subottimali tal-istrumenti finanzjarji FEŻR u FSE; jenfasizza li d-dewmien fl-implimentazzjoni, li jista' jiġi attribwit għall-bidu tard tal-perjodu ta' programmazzjoni, jista' jippreġudika l-prestazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-Fondi SIE, u dan jista' jwassal għal konklużjonijiet ta' evalwazzjoni mhux preċiżi fi tmiem il-perjodu; jitlob, għalhekk, li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa mill-Istati Membri biex itaffu l-effetti negattivi tad-dewmien fl-implimentazzjoni, speċjalment fir-rigward tar-riskju ta' użu u impatt limitati tal-istrumenti finanzjarji;

15.

Huwa mħasseb serjament dwar il-possibilità kbira li tirrepeti ruħha l-akkumulazzjoni arretrata ta' fatturi mhux imħallsa matul it-tieni nofs tal-QFP attwali, peress li din tista' tħalli impatt serju fuq politiki oħra ffinanzjati mill-UE;

16.

Jinnota differenzi sinifikanti madwar l-UE fir-rigward tal-penetrazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, inklużi l-Fondi SIE u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), ir-riżultati inizjali ta' dawn il-fondi u l-ingranaġġ mistenni ta' riżorsi addizzjonali, kif ukoll strumenti finanzjarji oħra ffinanzjati mill-UE f'ekonomiji tal-aqwa prestazzjoni tal-UE, li qed iservu biex jimminaw l-objettivi tal-Politika ta' Koeżjoni; jenfasizza li s-suċċess ġenerali ta' tali strumenti jiddependi minn kemm ikunu faċli biex jintużaw u mill-kapaċità tal-Istati Membri li jiġġestixxu investimenti permezz tagħhom, li għalihom ikunu meħtieġa indikaturi preċiżi u differenzjati, li jippermettu li jiġi vvalutat l-impatt reali tagħhom fuq il-politika ta' koeżjoni;

Simplifikazzjoni, sinerġiji u assistenza teknika – soluzzjonijiet

17.

Jilqa' l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tottimizza r-regolamentazzjoni u tnaqqas il-burokrazija; jenfasizza li, minkejja t-titjib, għadha teżisti kumplessità u kwistjonijiet bħall-ħin twil għall-istabbiliment u l-piż amministrattiv għar-riċevituri huma diżinċentivi għall-użu tal-istrumenti finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-BEI, il-FEI u l-awtoritajiet maniġerjali biex jikkombinaw aktar faċilment il-mikrokreditu, is-self, il-garanziji, l-ekwità u l-kapital ta' riskju tal-Fondi SIE, filwaqt li jiġi żgurat l-istess livell ta' trasparenza, skrutinju demokratiku, rapportar u kontroll;

18.

Jinnota li dispożizzjonijiet speċifiċi jillimitaw il-flessibilità f'operazzjonijiet bi strumenti finanzjarji; jirrimarka li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jidhru li huma partikolarment onerużi, speċjalment meta l-għotjiet jiġu kkombinati ma' strumenti finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura qafas adegwat ta' għajnuna mill-istat u tesplora aktar alternattivi biex tiġi ssimplifikata l-konformità tal-għajnuna mill-Istat fuq it-tliet livelli kollha – l-awtoritajiet maniġerjali, il-fond tal-fondi u l-intermedjarji finanzjarji; jappella għal kundizzjonijiet ekwi fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat rigward l-istrumenti finanzjarji kollha sabiex jiġi evitat it-trattament preferenzjali ta' ċerti sorsi ta' finanzjament fuq oħrajn, speċjalment fil-qasam tal-appoġġ għall-SMEs;

19.

Jenfasizza l-importanza tal-awditjar tal-prestazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, inkluż l-awditjar tal-operazzjonijiet tal-Grupp tal-BEI dwar il-Politika ta' Koeżjoni; jinnota li l-attivitajiet ta' awditjar jinkludu aċċess għaċ-ċiklu kollu tal-Fondi SIE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali jidentifikaw opportunitajiet għas-simplifikazzjoni u s-sinerġiji permezz tal-proċess tal-awditjar; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiffoka fuq analiżi komparattiva ta' għotjiet u strumenti finanzjarji kif ukoll fuq tisħiħ ulterjuri tal-kapaċitajiet, il-metodoloġija tal-awditjar u l-linji gwida għall-proċessi tal-awditjar, li jenħtieġ li ma jżidux il-piż finanzjarju u amministrattiv fuq il-benefiċjarji;

20.

Jirrimarka li l-kombinament tal-għotjiet u tal-istrumenti finanzjarji għandu potenzjal mhux esplorat; jenfasizza li flimkien ma' linji gwida għall-awtoritajiet, huma meħtieġa simplifikazzjoni u armonizzazzjoni ulterjuri għar-regoli li jikkonċernaw il-kombinament ta' Fondi SIE differenti, kif ukoll għar-regoli li jikkonċernaw il-kombinament tal-Fondi SIE ma' strumenti bħall-Orizzont 2020 u l-FEIS; jitlob li jkun hemm regolamentazzjoni aħjar fil-forma ta' regoli ċari, konsistenti u ffukati fir-rigward tat-tħaffif tal-piż regolatorju billi jiġi ffaċilitat il-kombinament imsemmi hawn fuq ta' allokazzjonijiet minn aktar minn programm wieħed għall-istess strument finanzjarju, kif ukoll isiru possibbli kombinamenti ta' strumenti ta' mikrofinanzjament fl-operazzjonijiet tal-FSE u s-simplifikazzjoni ulterjuri tal-akkwist pubbliku fl-għażla tal-intermedjarji finanzjarji u għal sħubijiet pubbliċi-privati; jappella għal aktar koerenza bejn strateġiji differenti; jenfasizza li l-kombinament tal-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji tal-Fondi SIE ma' sorsi oħra ta' finanzjament jista' jagħmel l-istruttura tal-finanzjament aktar attraenti għall-benefiċjarji u għall-investituri tas-settur pubbliku u tas-settur privat minħabba titjib fil-kondiviżjoni tar-riskju u fil-prestazzjoni tal-proġetti, u għalhekk jgħin biex l-istrumenti jipprovdu potenzjal ta' tkabbir fuq żmien twil;

21.

Jinnota li l-adozzjoni tal-istrumenti finanzjarji tista' tittejjeb permezz ta' sħubijiet għall-investiment, u li s-sħubijiet pubbliċi-privati jtejbu s-sinerġiji bejn is-sorsi tal-finanzjament u jżommu l-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi privati u pubbliċi; jenfasizza li jenħtieġ li jitħeġġeġ ukoll l-użu ta' strumenti finanzjarji fil-kuntest tal-inizjattivi ta' żvilupp lokali mmexxi mill-komunità u ta' investiment territorjali integrat;

22.

Jilqa' l-prattiki eżistenti fil-qasam tal-assistenza teknika pprovduti mill-Kummissjoni u mill-Grupp tal-BEI permezz tal-pjattaforma fi-compass; jiddispjaċih li s-servizzi ta' appoġġ fuq il-post għall-awtoritajiet u speċjalment għar-riċevituri ta' strumenti finanzjarji, inkluż tal-FEIS, huma limitati, filwaqt li ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali ltaqgħu ma' diffikultajiet tekniċi u ma' nuqqas ta' kapaċità u għarfien espert biex jużaw l-istrumenti finanzjarji b'mod effikaċi; jappella għal assistenza teknika, li jenħtieġ li tkun immirata primarjament lejn il-partijiet interessati lokali jew reġjonali, kif ukoll lejn is-sħab kollha involuti, iżda li jenħtieġ li ma tintużax biex tiffinanzja l-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali; jitlob, barra minn hekk, pjan ta' assistenza teknika konġunta mill-Kummissjoni u l-BEI li jkun jinkludi attivitajiet ta' konsulenza finanzjarja u mhux finanzjarja, speċjalment għal proġetti kbar, kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, it-taħriġ, l-appoġġ u l-iskambju ta' għarfien u esperjenza; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm kombinament ta' kompetenza esperta (inkluża konsulenza legali) dwar ir-regolamenti tal-politika ta' koeżjoni, il-prodotti finanzjarji, l-għajnuna mill-Istat u l-akkwist pubbliku, immirata lejn l-awtoritajiet nazzjonali, l-amministraturi u l-benefiċjarji tal-fondi, filwaqt li jenfasizza l-importanza li jiġu evitati strutturi doppji;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tgħolli l-profil tal-investimenti tal-Fondi SIE u tiċċara aktar li l-finanzjament mill-UE huwa involut; jitlob li jkun hemm tagħrif u komunikazzjoni aktar adegwati u komprensivi dwar opportunitajiet ta' finanzjament mill-UE, li jinkoraġġixxu l-użu ta' tali opportunitajiet għas-settur pubbliku u għas-settur privat u li jkunu mmirati lejn il-benefiċjarji potenzjali u b'mod partikolari ż-żgħażagħ;

Lejn it-taħlita ta' finanzjament it-tajba għall-perjodu wara l-2020 u l-futur tal-Politika ta' Koeżjoni

24.

Jirrikonoxxi li sfidi bħall-migrazzjoni u s-sigurtà, jew l-iżviluppi politiċi attwali jew futuri fl-UE, jenħtieġ ma jaffettwawx b'mod negattiv l-investimenti permezz tal-Politika ta' Koeżjoni jew il-miri u r-riżultati mistennija tagħha, speċjalment wara l-perjodu ta' programmazzjoni attwali;

25.

Jirrikonoxxi li kemm l-għotjiet kif ukoll l-istrumenti finanzjarji għandhom ir-rwoli speċifiċi tagħhom fil-Politika ta' Koeżjoni, iżda li jikkondividu l-istess finalità segwita mill-11-il objettiv tematiku, fit-triq biex jintlaħqu l-ħames miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji ma jiħdux post l-għotjiet bħala l-għodda ewlenija tal-politika ta' koeżjoni, filwaqt li jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tinżamm in-natura rinnovabbli tal-fondi biex ikunu disponibbli għal investiment mill-ġdid fuq il-bażi tas-setturi u l-azzjonijiet li huma jistgħu jappoġġaw;

26.

Jenfasizza li l-istrumenti finanzjarji jaħdmu aħjar f'reġjuni żviluppati sew u f'żoni metropolitani, fejn is-swieq finanzjarji huma aktar żviluppati, filwaqt li r-reġjuni ultraperiferiċi u r-reġjuni b'rati għolja ta' qgħad armonizzati u densità baxxa tal-popolazzjoni jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jattiraw l-investiment, filwaqt li l-għotjiet, min-naħa tagħhom, jindirizzaw kwistjonijiet strutturali reġjonali u finanzjament reġjonali bilanċjat; jinnota li s-suċċess tal-istrumenti finanzjarji jiddependi minn għadd ta' fatturi u ma tista' tintlaħaq l-ebda konklużjoni ġenerali fuq il-bażi ta' kriterju wieħed; jinnota li miri vinkolanti għall-użu tal-istrumenti finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni wara l-2020 ma jistgħux jitqiesu bħala alternattiva vijabbli; jinnota li jenħtieġ li ż-żieda fis-sehem tal-istrumenti finanzjarji ma tinfluwenzax il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mhux rinnovabbli minħabba li dan ifixkel il-bilanċ; jenfasizza li f'għadd ta' politiki pubbliċi, l-għotjiet iridu jiddominaw, filwaqt li l-istrumenti finanzjarji jistgħu jaqdu rwoli komplementari f'konformità sħiħa ma' valutazzjoni xierqa ex ante u analiżi xierqa tas-suq; jappella għall-promozzjoni ulterjuri tal-istrumenti finanzjarji fil-programmi Interreg bl-għan li tagħmilhom aktar konsistenti mal-objettivi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea;

27.

Ifakkar li l-esperjenza eżistenti fit-twassil tal-Fondi SIE tindika li t-taħlita tal-finanzjament ta' għotjiet u strumenti finanzjarji tindirizza r-realtajiet speċifiċi għal kull pajjiż, kif ukoll il-lakuni fil-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; jenfasizza li t-taħlita tal-finanzjament ma tistax tirriżulta f'soluzzjoni ta' universalità minħabba għadd ta' fatturi: ir-reġjun ġeografiku, il-qasam ta' politika, it-tip u d-daqs tal-benefiċjarju, il-kapaċità amministrattiva, il-kundizzjonijiet tas-suq, l-eżistenza ta' strumenti konkorrenti, l-ambjent tan-negozju u l-qagħda fiskali u ekonomika;

o

o o

28.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.

(4)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.

(5)  ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2016)0321.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2015)0384.

(8)  Testi adottati, P8_TA(2015)0308.

(9)  ĠU C 19, 22.1.2014, p. 4.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/103


P8_TA(2017)0223

Perspettivi futuri għall-Assistenza Teknika fil-Politika ta' Koeżjoni

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar perspettivi futuri għall-Assistenza Teknika fil-Politika ta' Koeżjoni (2016/2303(INI))

(2018/C 307/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, it-Titolu XVIII tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1) (minn hawn 'il quddiem “is-CPR”),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (5),

wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 tas-7 ta' Jannar 2014 dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas ta' Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (6),

wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013 (COM(2015)0701),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-investiment f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tas-CPR (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar “Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni” (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2016 dwar għodod ġodda għall-iżvilupp territorjali fil-Politika ta' Koeżjoni 2014-2020: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) (9),

wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri tas-16 ta' Frar 2016 intitolat “Jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni għar-riżultati biex jitjieb it-twassil tal-assistenza teknika lill-Greċja”,

wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond intitolata “Technical assistance at the initiative of the Commission” (Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) ippubblikata mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni (Dipartiment B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni) f'Settembru 2016,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Baġits,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0180/2017),

A.

billi l-assistenza teknika, sew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni u sew fuq dik tal-Istati Membri, għandha rwol importanti fil-fażijiet kollha ta' implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u hija strument importanti biex jiġu attirati u jinżammu ħaddiema ta' kwalità għolja fl-amministrazzjoni, biex b'hekk tinħoloq sistema stabbli għall-ġestjoni u l-użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE), u biex jiġu solvuti l-ostakli fl-implimentazzjoni u l-utenti jiġu megħjuna jiżviluppaw proġetti ta' kwalità; billi jenħtieġ li jiġu esplorati l-għażliet għall-użu ta' assistenza teknika fil-fażi ta' preparazzjoni tal-programmi;

B.

billi l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali ta' spiss ma jkollhomx il-kapaċità meħtieġa biex, b'mod effiċjenti u effettiv, jimplimentaw il-Fondi SIE u jorganizzaw sħubija ma' awtoritajiet pubbliċi oħra, inklużi l-awtoritajiet urbani, is-sħab ekonomiċi u soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili skont l-Artikolu 5 tas-CPR; billi l-kapaċità amministrattiva tvarja ħafna fost l-Istati Membri u r-reġjuni;

C.

billi s-sħab involuti fil-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni jenħtieġ li wkoll ikunu fil-mira ta' miżuri ta' assistenza teknika, b'mod partikolari fil-qasam tal-bini ta' kapaċitajiet, in-netwerking u l-komunikazzjoni dwar il-politika ta' koeżjoni;

D.

billi l-awtoritajiet nazzjonali, lokali u reġjonali għandhom diffikultajiet biex iżommu persunal kwalifikat, peress li l-individwi aktarx jitilqu għal impjiegi b'paga aħjar fis-settur privat jew għal postijiet bi dħul akbar fi ħdan l-awtoritajiet amministrattivi stess; billi dan huwa xkiel serju għall-kapaċità tal-awtoritajiet pubbliċi biex jimplimentaw b'suċċess il-Fondi SIE u biex jilħqu l-għanijiet ta' koeżjoni;

E.

billi hemm lok għal titjib tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni tal-assistenza teknika, minkejja l-enfasi fuq orjentazzjoni aktar lejn ir-riżultati fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 u minkejja l-fatt li kważi nofs dan il-perjodu għadda;

F.

billi hemm il-ħtieġa li tiġi ottimizzata r-rabta bejn l-assistenza teknika dwar l-inizjattiva tal-Kummissjoni u l-miżuri ta' assistenza teknika mwettqa fil-livell nazzjonali u reġjonali;

Assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni (l-Artikolu 58 tas-CPR)

1.

Jinnota li r-riżorsi disponibbli għall-assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, meta mqabbla mal-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti, żdiedu għal 0,35 % tal-allokazzjoni annwali tal-FEŻR, l-FSE u s-CF, wara tnaqqis għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD);

2.

Jilqa' l-attivitajiet tal-Kummissjoni ffinanzjati mill-assistenza teknika, b'mod partikolari l-ħidma tagħha fuq l-istrument TAIEX REGIO PEER 2 PEER, il-Qafas ta' Kompetenza u l-Għodda ta' Awtovalutazzjoni, il-Patti ta' Integrità, il-Gwida għall-prattikanti dwar kif jevitaw il-25 żball l-iktar komuni dwar l-akkwist pubbliku u l-Istudju dwar rendikont tal-kapaċità amministrattiva fir-rigward tal-akkwist pubbliku fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu minn tali inizjattivi; jenfasizza li strumenti bħal dawn jenħtieġ li jkollhom rwol akbar fil-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020 u b'mod korrispondenti jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqajjem kuxjenza fil-livell lokali u reġjonali, inkluż fil-livell tal-gżejjer, dwar l-użu tagħhom; jirrakkomanda li l-kamp ta' applikazzjoni tal-istrument TAIEX REGIO PEER 2 PEER jiġi estiż għas-sħab kollha b'konformità mal-Artikolu 5 tas-CPR sabiex jiġi żgurat l-iskambju wiesa' ta' esperjenzi, jingħata kontribut lill-bini tal-kapaċità, u tiġi ffaċilitata l-kapitalizzazzjoni fuq prattiki tajbin;

3.

Iqis li huwa neċessarju li l-Kummissjoni tagħti bidu għal valutazzjoni tal-effikaċja u l-valur miżjud fl-implimentazzjoni tal-“patti ta' integrità – Mekkaniżmu ta' Kontroll Ċivili għas-Salvagwardja tal-Fondi tal-UE”;

4.

Jinnota l-ħidma tat-Task Force għall-Greċja u l-Grupp ta' Appoġġ għal Ċipru dwar l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE f'dawn iż-żewġ pajjiżi, u b'mod partikolari dwar ir-rati ta' assorbiment, filwaqt li jżomm f'moħħu li dan huwa wieħed biss mill-indikaturi għal valutazzjoni pożittiva tal-politika ta' koeżjoni; jinnota, madankollu, li skont ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bl-isem “Jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni għar-riżultati biex jitjieb it-twassil tal-assistenza teknika lill-Greċja” kien hemm riżultati mħallta fil-ksib ta' riforma effettiva u sostenibbli; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tirrapporta dwar ir-riżultati miksuba mill-l-operazzjonijiet tas-Servizz ta' Sostenn għar-Riforma Strutturali fil-Greċja; jenfasizza l-ħtieġa li tkompli tittejjeb il-ħidma tat-Task Force għal Implimentazzjoni Aħjar, fuq il-bażi tal-esperjenza tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, sabiex jingħata appoġġ lil Stati Membri oħra li qed jesperjenzaw diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni;

5.

Jieħu nota tal-istabbiliment tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP) u jagħraf il-benefiċċji potenzjali tiegħu għall-politika ta' koeżjoni, fost oqsma oħra; jitlob li dan ikun koerenti u konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni; iqis, madankollu, li kwalunkwe estensjoni tal-programm ma għandhiex tnaqqas mill-konċentrazzjoni fuq l-objettivi tematiċi tal-politika ta' koeżjoni u li r-riżorsi m'għandhomx jittieħdu minn idejn il-Fondi SIE għall-assistenza teknika jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tiżgura koordinazzjoni massima u l-komplementarjetajiet bejn l-azzjonijiet iffinanzjati mill-SRSP u l-assistenza teknika pprovduta taħt il-Fondi SIE sabiex tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq il-kisba tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni bil-mod l-aktar effettiv possibbli;

6.

Jieħu nota tal-istrateġija tal-assistenza teknika mħejjija mid-DĠ għall-Politika Reġjonali u Urbana tal-Kummissjoni; jissuġġerixxi l-iżvilupp ta' strateġija ta' assistenza teknika aktar wiesgħa biex tiġi żgurata koordinazzjoni aktar effettiva li tkopri d-Direttorati Ġenerali kollha li jittrattaw il-Fondi SIE, kif ukoll l-attivitajiet tas-Servizz ta' Sostenn għar-Riforma Strutturali relatati mal-politika ta' koeżjoni, sabiex jiġi ssimplifikat l-appoġġ ipprovdut, tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġu massimizzati s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet;

7.

Jenfasizza l-importanza tal-assistenza teknika fil-qasam tal-istrumenti finanzjarji, li l-użu tagħhom qed jikber b'mod esponenzjali filwaqt li huma pjuttost kumplessi min-natura tagħhom; jilqa', f'dan ir-rigward, is-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-istabbiliment tal-pjattaforma fi-compass; jistieden lill-Kummissjoni tirrazzjonalizza aħjar l-assistenza teknika sabiex tkopri l-oqsma fejn l-awtoritajiet ta' ġestjoni u l-benefiċjarji jħabbtu wiċċhom mal-akbar ammont ta' sfidi; jilqa' l-aspetti tat-titjib tekniku taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti biex il-Fondi SIE jiġu kkombinati mal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS). jenfasizza, madankollu, li jenħtieġ li sinjal ta' kapaċità u simplifikazzjoni akbar f'dan il-qasam finalment ikun ħtieġa anqas għal assistenza teknika fil-qasam tal-istrumenti finanzjarji; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li jkun hemm kumplimentarjetà ma' miżuri ta' assistenza teknika mwettqa fil-fażijiet sussegwenti fil-livell nazzjonali u reġjonali;

8.

Jilqa' l-appoġġ ipprovdut lill-Istati Membri taħt il-faċilità ta' assistenza teknika tal-Assistenza Konġunta ta' Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej (JASPERS), li tipprovdi għarfien espert lill-Istati Membri biex tgħinhom iħejju proġetti kbar kofinanzjati mill-FEŻR u s-CF; jistenna bil-ħerqa r-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri previst għall-2017, li se jkollu l-għan li jivverifika jekk JASPERS tejbitx l-iżvilupp ta' proġetti kbar assistiti li huma kkonfinanzjati mill-UE u b'hekk jekk ikkontribwietx għal kwalità aħjar tal-proġett, kif ukoll jekk żiditx il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' analiżi bir-reqqa ta' kif l-attività JASPERS għall-perjodu 2007-2013 li tipprovdi analiżi tal-kwalità indipendenti (IQR) tejbet il-kwalità tal-proġetti u naqqset iż-żmien li jittieħed għall-approvazzjoni tal-proġetti kbar mill-Kummissjoni;

9.

Jinnota li, peress li l-assistenza teknika intużat l-ewwel fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, ma twettqet l-ebda analiżi globali sabiex jiġi stabbilit il-kontribut reali li hija tagħti; jirrimarka li huwa għalhekk diffiċli li wieħed jagħmel stima dettaljata ta' kemm hija importanti u tal-kontribut li tagħti f'termini ta' bini tal-kapaċità amministrattiva u t- tisħiħ istituzzjonali bil-ħsieb li jkun żgurat li l-Fondi SIE jiġu ġestiti b'mod effettiv; jitlob, għalhekk, li jkun hemm aktar informazzjoni u trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' attivitajiet ta' assistenza teknika, sabiex il-Parlament iwettaq rwol aktar sinifikanti fil-monitoraġġ u s-segwitu, u wkoll li jsir studju eżawrjenti u komprensiv li fuq il-kontribut tagħha fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni;

10.

Ifakkar fl-importanza ta' indikaturi adegwati u mmirati, adattati biex ikejlu r-riżultati u l-impatti tal-infiq mill-Fondi SIE u d-disponibilità ta' assistenza teknika għal monitoraġġ rispettiv; iqis li l-introduzzjoni ta' indikaturi komuni kienet l-ewwel pass f'din id-direzzjoni, iżda li din l-introduzzjoni kienet akkumpanjata minn għadd ta' nuqqasijiet, bħal pereżempju l-enfasi eċċessiv fuq il-produzzjoni, in-nuqqas ta' perspettiva fuq perjodu ta' żmien twil, u l-inkompatibilità fil-ħtiġijiet ta' informazzjoni mfassla apposta; jitlob b'mod urġenti lill-Kummissjoni biex tinvesti fit-titjib tas-sistema ta' rappurtar u ta' evalwazzjoni billi tiżviluppa indikaturi iżjed xierqa lesti biex jintużaw fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni tħejji miżuri u riżorsi biex tistabbilixxi assistenza teknika għall-implimentazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali tal-UE, wara li tkun ikkunsidrat l-esperjenzi varji u r-rati ta' suċċess tal-implimentazzjoni ta' strateġiji bħal dawn, kif ukoll il-fatt li l-parteċipanti tal-istrateġiji jinkludu stati mhux membri u pajjiżi b'fondi limitati u riżorsi umani insuffiċjenti; iqis li din il-ħidma tkun aktar effettiva biex tgħin ħalli jitħejjew proġetti ewlenin fil-livell makroreġjonali li jistgħu jirċievu finanzjament taħt il-politika ta' koeżjoni;

12.

Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati miżuri ta' assistenza teknika speċifika biex jippromwovu l-industrijalizzazzjoni mill-ġdid f'żoni depressi sabiex jiġu attirati investimenti industrijali fit-teknoloġija għolja u setturi innovattivi b'impatt ambjentali baxx;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi assistenza teknika, jiġifieri Gruppi ta' Ħidma tal-Istati Membri, sabiex jiġi evitat dewmien fl-iżvilupp tal-korpi u l-programmi operazzjonali li se jkunu meħtieġa taħt il-politika ta' koeżjoni fl-Istati Membri wara l-2020;

Assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Istati Membri (l-Artikolu 59 tas-CPR)

14.

Jenfasizza li l-kofinanzjament tal-UE disponibbli għall-assistenza teknika għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri taħt il-ħames Fondi SIE fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 jammonta għal madwar EUR 13,4 biljun;

15.

Jenfasizza li l-assistenza teknika hija essenzjalment differenti minn azzjonijiet oħra ffinanzjati mill-Fondi SIE u li l-kompitu tal-kalkolu tar-riżultati tagħha huwa partikolarment diffiċli; jenfasizza, madankollu, li minħabba n-neċessità tagħha, il-livell ta' riżorsi disponibbli taħtha u l-potenzjal tagħha, hemm ħtieġa kbira ta' approċċ strateġiku, trasparenti u kkoordinat fil-diversi livelli ta' governanza u biex il-flessibilità tikseb il-ħtiġijiet identifikati mill-awtoritajiet ta' ġestjoni fl-Istati Membri;

16.

Jenfasizza li l-analiżi tal-prestazzjoni tal-2019 se titfa' dawl fuq ir-riżultati tal-użu tal-assistenza teknika fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 u tiżgura li dawn ma jaslux tard wisq għad-diskussjonijiet dwar il-perjodu ta' wara l-2020; jitlob, għalhekk, li jsir dibattitu usa' u analiżi fi stadju intermedjarju dwar l-effiċjenza u r-riżultati tal-assistenza teknika;

17.

Jinsab imħasseb li f'ċerti Stati Membri l-assistenza teknika ma tilħaqx l-awtoritajiet lokali u reġjonali b'mod suffiċjenti u effettiv, li normalment ikollhom l-anqas kapaċità amministrattiva; jenfasizza li huwa kruċjali li jiġu stabbiliti kanali ta' komunikazzjoni sodi u trasparenti bejn il-livelli differenti ta' governanza sabiex jiġu implimentati b'suċċess il-Fondi SIE u jinkisbu l-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni, filwaqt li terġa' tinkiseb il-fiduċja fil-funzjonament effettiv tal-UE u l-politiki tagħha; iqis li s-sħab kollha fil-politika ta' koeżjoni għandhom rwol importanti għal dan l-għan u jipproponi li l-Kummissjoni timpenja ruħha direttament fl-abilitazzjoni tas-sħab fil-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja li jmiss; jistieden lill-Istati Membri jżidu b'mod sinifikanti l-isforzi tagħhom biex jissimplifikaw l-implimentazzjoni tal-regoli tal-politika ta' koeżjoni, inkluż b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza teknika; jilqa', għalhekk, l-eżempju ta' sistema b'bosta livelli ta' implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni fil-Polonja (tliet pilastri ta' assistenza teknika) li tippermetti approċċ aktar orjentat lejn ir-riżultati, strateġiku u trasparenti u kkoordinat u li jiġġenera valur miżjud akbar; jitlob kontroll aktar strett tar-riżultati tal-attivitajiet ta' ditti privati li jipprovdu assistenza teknika lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess potenzjali;

18.

Jenfasizza li l-assistenza teknika ffukata fuq l-iżvilupp tal-potenzjal tal-bniedem trid tintuża għas-servizz tal-ħtiġijiet li kienu ġew identifikati preċedentement fi pjanijiet ta' żvilupp u taħriġ tal-persunal speċjalizzat;

19.

Jenfasizza li l-kapaċità tal-livelli aktar baxxi ta' governanza hija wkoll essenzjali għas-suċċess tal-għodod tal-iżvilupp territorjali ġodda, bħall-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) u l-Investiment Territorjali Integrat (ITI); jitlob deċentralizzazzjoni kontinwa tal-implimentazzjoni tas-CLLD; jinnota li, filwaqt li jista' jkun diffiċli li jitkejlu l-effetti tal-assistenza teknika, bl-ebda mod ma hija ħaġa impossibbli, b'mod partikolari meta wieħed iħares lejn il-proporzjon bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż; jenfasizza li f'xi Stati Membri l-assistenza teknika pprovdiet għat-twaqqif ta' sistema kompluta għall-implimentazzjoni tal-FEŻR, u l-istabbiliment ta' sistema għall-implimentazzjoni tal-ITIs qed juri proporzjon negattiv bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż; jinnota, madankollu, li l-ispejjeż għoljin jistgħu jiġu spjegati parzjalment permezz ta' ċirkustanzi speċifiċi li jeħtieġu sforzi akbar, bħal pereżempju l-istabbiliment ta' skema ġdida; jitlob, għalhekk, li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' kontroll ċari, b'mod partikolari fir-rigward ta' negozjati mhux trasparenti dwar assistenza teknika; ifakkar fir-rwol importanti ta' Gruppi ta' Azzjoni Lokali, b'mod partikolari għall-implimentazzjoni tas-CLLD, u jqis li l-assistenza teknika jenħtieġ li tkun disponibbli mill-Istati Membri biex issostni l-kontribut siewi tagħhom għall-iżvilupp lokali sostenibbli fl-Unjoni;

20.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li attivitajiet ta' assistenza teknika jinkludu appoġġ għal proġetti teknikament u ekonomikament vijabbli, u b'hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jressqu strateġiji eliġibbli għall-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni;

21.

Jinnota bi tħassib li, fl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet integrati għal żvilupp urban sostenibbli, filwaqt li l-kompiti jiġu delegati lill-awtoritajiet urbani li jaġixxu bħala korpi intermedjarji, dawn tal-aħħar spiss ma jirċevux l-assistenza teknika meħtieġa biex jibnu l-kapaċità tagħhom; iqis, f'dan ir-rigward, li l-assistenza teknika għandha tissaħħaħ fil-livell taż-żoni urbani, filwaqt li jittieħed kont tar-rwol li għandhom l-awtoritajiet urbani fil-politika ta' koeżjoni, u l-ħtieġa li tinħoloq kapaċità qawwija għal aktar implimentazzjoni ta' Aġenda Urbana Ewropea u l-Patt ta' Amsterdam;

22.

Jinnota li l-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 jipprovdi għal involviment akbar tal-awtoritajiet lokali; jenfasizza li dan jimplika aktar ħiliet tekniċi u amministrattivi; jitlob lill-Kummissjoni tistudja inizjattivi u mekkaniżmi li jippermettu lill-operaturi lokali jisfruttaw b'mod sħiħ l-opportunitajiet ta' pprogrammar ipprovduti permezz ta' regoli tal-Fond SIE;

23.

Jiġbed l-attenzjoni għall-kodiċi ta' kondotta Ewropew dwar is-sħubija, li jiddefinixxi l-ħtieġa li s-sħab rilevanti jiġu megħjuna jsaħħu l-kapaċità istituzzjonali tagħhom bil-ħsieb li jitħejjew u jiġu implimentati l-programmi; jenfasizza li ħafna Stati Membri mhumiex qed japplikaw kodiċi ta' kondotta Ewropew dwar is-sħubija; iqis, barra minn hekk, li l-prinċipji ewlenin u l-prattiki tajba stabbiliti solennement fl-Artikolu 5 tal-kodiċi ta' kondotta msemmi hawn fuq u li jikkonċerna l-involviment ta' sħab rilevanti fil-preparazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u tal-programmi għandhom fil-fatt jiġu implimentati, b'konċentrazzjoni partikolari fuq il-kwistjoni ta' żvelar f'waqtu ta' informazzjoni rilevanti u aċċess faċli għaliha; jenfasizza l-ħtieġa ta' linji gwida ċari tal-UE biex iqawwu l-konsistenza u jeliminaw l-inċertezza regolatorja;

24.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-assistenza teknika, bil-finanzjament, tiġi fdata lil ċittadini kkwalifikati li jkunu kapaċi jipprovdu appoġġ kontinwu; jenfasizza, madankollu, li dan il-finanzjament taħt l-ebda ċirkostanza ma għandu jaġixxi bħala sostitut għal finanzjament nazzjonali f'dan il-qasam, u li jenħtieġ li jkun hemm bidla strateġika gradwali lejn l-attivitajiet li jiġġeneraw valur miżjud akbar għall-politika ta' koeżjoni b'mod ġenerali, bħall-bini tal-kapaċità, il-komunikazzjoni jew il-qsim ta' esperjenzi;

25.

Jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi l-istituzzjonijiet li mhumiex parti mis-sistema ta' ġestjoni iżda li għandhom impatt dirett fuq l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni; ifakkar li dawn l-istituzzjonijiet jeħtiġilhom jingħataw assistenza biex jespandu u jtejbu l-kapaċitajiet u l-istandards amministrattivi tagħhom permezz tal-edukazzjoni, l-iskambju ta' għarfien, il-bini tal-kapaċitajiet, in-netwerking u l-istabbiliment ta' sistemi tal-IT li huma meħtieġa biex il-proġetti jiġu amministrati; jenfasizza li komunikazzjoni akbar dwar ir-riżultati u s-suċċessi li nkisbu, kif ukoll il-viżibilità tagħhom, bis-sostenn tal-Fondi SIE, jistgħu jikkontribwixxu biex terġa' tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew; jitlob, għalhekk, li jinħoloq envelopp separat għall-komunikazzjoni fi ħdan l-assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Istat Membru; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-funġibilità ta' miżuri ta' assistenza teknika biex jippermettu li jsiru ekonomiji ta' skala u għall-finanzjament ta' miżuri komuni għal diversi Fondi SIE;

26.

Jenfasizza li, sabiex jitnaqqsu kumplikazzjonijiet proċedurali eċċessivi, l-assistenza teknika fil-futur għandha tkun dejjem aktar iffokata fuq il-livell benefiċjarju/proġett, irrispettivament minn jekk dan jirrigwardax is-settur pubbliku jew privat jew is-settur tas-soċjetà ċivili, sabiex tkun żgurata l-provvista ta' proġetti innovattivi u mfassla sew u li huma kompatibbli ma' strateġiji diġà eżistenti u b'hekk jiġi evitat approċċ wieħed għal kulħadd; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi biex jinvolvu lill-benefiċjarji tal-Fondi SIE fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-assistenza teknika; jirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu netwerk ta' punti ta' informazzjoni li jippermettu lill-benefiċjarji potenzjali jitgħallmu dwar is-sorsi ta' finanzjament disponibbli, il-programmi operazzjonali u sejħiet miftuħa, kif ukoll biex jitgħallmu kif jimlew formoli ta' applikazzjoni u jimplimentaw proġetti;

27.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-assistenza teknika trid titqies bħala strument sempliċi u flessibbli li jista' jiġi aġġustat biex ikun adattat għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu; huwa tal-fehma li l-assistenza teknika trid tikkontribwixxi għas-sostenibilità tal-proġetti, jiġifieri l-ammont ta' żmien li jieħdu, waqt li tiffoka fuq oqsma ewlenin tal-politika ta' koeżjoni u tiffavorixxi eżitu fuq perjodu ta' żmien twil, pereżempju proġetti li joħolqu impjiegi dejjiema; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-assistenza teknika tista' tintuża biex jiġu ttestjati proġetti pilota b'soluzzjonijiet innovattivi;

28.

Jitlob li jkun hemm rapportar aħjar mill-Istati Membri fil-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020 tat-tipi ta' azzjonijiet iffinanzjati mill-assistenza teknika, kif ukoll tar-riżultati miksuba; jenfasizza li hija meħtieġa aktar trasparenza sabiex tiżdied il-viżibilità tal-assistenza teknika u jiġi segwit l-infiq tagħha u fejn qed imorru l-ispejjeż, bil-għan li tinkiseb kontabilità aħjar, inkluża proċedura ċara ta' awditjar; iqis li databases aġġornati b'mod regolari u disponibbli għall-pubbliku ta' azzjonijiet ippjanati u meħuda mill-Istati Membri jenħtieġ li jitqiesu f'dan ir-rigward, billi tiġi segwita l-esperjenza tal-Portal tad-Data Miftuħa tal-Kummissjoni għall-fondi SIE;

29.

Jinnota li, fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali, l-Istati Membri kellhom l-għażla li jinkludu assistenza teknika bħala assi ta' prijorità fi ħdan programm operazzjonali jew bi programm operazzjonali speċifiku ddedikat għall-assistenza teknika; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza liema opzjoni kisbet aktar riżultati u ppermettiet monitoraġġ u evalwazzjoni aħjar, filwaqt li jitqiesu l-istrutturi istituzzjonali differenti tal-Istati Membri;

30.

Jitob li jkun hemm użu akbar tal-assistenza teknika fil-programmi ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) u programmi relatati, u speċjalment fil-qasam tal-kooperazzjoni transfruntiera, peress li dawn l-oqsma għandhom l-ispeċifiċitajiet tagħhom stess ujirrikjedu appoġġ fil-fażijiet kollha ta' implimentazzjoni, bil-ħsieb li jsaħħu dik il-kooperazzjoni u jżidu l-istabilità tal-programmi kkonċernati;

31.

Jitlob lill-Kummissjoni tqis dawn l-elementi kollha fil-kuntest tat-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi għall-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020, jiġifieri mill-programm ta' programmazzjoni attwali u dak preċedenti;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta evalwazzjoni ex-post kemm ta' assistenza teknika amministrata ċentralment kif ukoll u assistenza teknika taħt ġestjoni kondiviża;

o

o o

33.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.

(4)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.

(5)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.

(6)  ĠU L 74, 14.3.2014, p. 1.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2017)0053.

(8)  Testi adottati, P8_TA(2015)0308.

(9)  Testi adottati, P8_TA(2016)0211.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/109


P8_TA(2017)0225

L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Korea

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea (2015/2059(INI))

(2018/C 307/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tas-6 ta' Ottubru 2010 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (1),

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni tat-28 ta' Ottubru 1996, bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, fuq in-naħa l-oħra (2), u d-deċiżjoni tal-Kunsill 2001/248/KE tad-19 ta' Marzu 2001 (3) dwar il-konklużjoni tiegħu,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2015 dwar l-impatt estern tal-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE fuq l-inizjattivi pubbliċi-privati f'pajjiżi barra l-UE (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar Politika Kummerċjali Ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020 (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 511/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea (6),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2010 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal- Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Internazzjonali (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali (11),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Marrakech li stabbilixxa l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment (12),

wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 207, 208 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0123/2017),

A.

billi l-1 ta' Lulju 2016 inzerta l-ħames anniversarju tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea (“il-Korea”);

B.

billi l-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-Kummissjoni “Kummerċ għal Kulħadd” tenfasizza l-importanza li tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE, inkluż permezz tal-użu tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim tagħha;

C.

billi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ b'mod formali wara li ġie rratifikat mill-Istati Membri tal-UE fit-13 ta' Diċembru 2015;

D.

billi l-Ftehim huwa l-ewwel minn ġenerazzjoni ġdida ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles konklużi mill-UE ma' wieħed mill-pajjiżi sħab tal-Asja, li minbarra li jneħħi t-tariffi, jinkludi wkoll regoli dwar l-eliminazzjoni ta' ostakli nontariffarji, biex b'hekk joħloq opportunitajiet ġodda ta' aċċess għas-suq għas-servizzi u l-investimenti, kif ukoll fl-oqsma tal-proprjetà intellettwali, l-akkwist pubbliku u l-politika tal-kompetizzjoni, u b'hekk se jservi ta' mudell għall-ftehimiet ta' kummerċ ħieles fil-ġejjieni;

E.

billi matul il-perjodu tal-validità tal-Ftehim:

id-defiċit kummerċjali tal-UE, li kien jammonta għal EUR 7,6 biljun fil-perjodu ta' 12-il xahar ta' qabel sar validu l-Ftehim, inbidel f'bilanċ kummerċjali favorevoli ta' EUR 2,5 biljun fil-ħames sena tal-validità tal-Ftehim;

l-esportazzjonijiet mill-UE lejn il-Korea kibru b'47 %, minn EUR 30,6 biljun fil-perjodu ta' 12-il xahar qabel sar validu l-Ftehim, għal EUR 44,9 biljun fil-ħames sena tal-validità tal-Ftehim, inklużi l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Korea ta' prodotti li kienu kompletament jew parzjalment liberalizzati mill-Ftehim, li żdiedu b'57 % u 71 % rispettivament, u l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Korea ta' prodotti soġġetti għal rata ta' dazju żero taħt il-klawsola tan-Nazzjon l-Aktar Iffavorit (MFN), li żdiedu b'25 % (EUR 1,9 biljun);

l-importazzjonijiet lejn l-UE mill-Korea fil-ħames sena tal-validità tal-Ftehim kienu jammontaw għal EUR 42,3 biljun u kienu kibru bi 11 % meta mqabbla mal-perjodu ta' 12-il xahar qabel sar validu l-Ftehim, inklużi l-esportazzjonijiet Koreani lejn l-UE ta' prodotti li kienu kompletament jew parzjalment liberalizzati mill-Ftehim, li żdiedu b'35 % u 64 % rispettivament (b'EUR 5,0 biljun u EUR 0,5 biljun rispettivament), u l-esportazzjonijiet Koreani lejn l-UE ta' prodotti soġġetti għal rata ta' dazju żero taħt il-klawsola tan-Nazzjon l-Aktar Iffavorit (MFN), li żdiedu b'29 % (EUR 5,8 biljun);

is-sehem tal-UE fit-total ta' importazzjonijiet Koreani kiber minn 9 % qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għal 13 % fir-raba' sena tal-validità tiegħu; fl-istess ħin, is-sehem tal-UE fit-total tal-esportazzjonijiet Koreani naqas minn 11 % għal ftit anqas minn 9 %;

l-esportazzjonijiet ta' vetturi tal-passiġġieri mill-UE lejn il-Korea kibru b'246 %, minn EUR 2,0 biljun fil-perjodu ta' 12-il xahar qabel sar validu l-Ftehim għal EUR 6,9 biljun fil-ħames sena tal-validità tiegħu;

l-importazzjonijiet fl-UE ta' vetturi tal-passiġġieri mill-Korea kibru b'71 %, minn EUR 2,6 biljun fil-perjodu ta' 12-il xahar qabel sar validu l-Ftehim għal EUR 4,5 biljun fil-ħames sena tal-validità tiegħu;

l-esportazzjonijiet tal-UE ta' servizzi kienu jammontaw għal EUR 11,9 biljun fl-2014, tkabbir ta' 11 % meta mqabbel mas-sena preċedenti, u wasslu għal bilanċ kummerċjali favorevoli għall-UE mal-Korea fis-settur tas-servizzi li kien jammonta għal EUR 6,0 biljun fl-2014; fl-istess ħin, l-importazzjonijiet lejn l-UE ta' servizzi mill-Korea kienu jammontaw għal EUR 6,0 biljun, li jfisser żieda ta' 4 % meta mqabbel mal-2013;

l-investiment dirett barrani (IDB) tal-UE fil-Korea fl-2014 laħaq EUR 43,7 biljun, li jagħmel mill-UE l-akbar investitur fil-Korea; l-IDB mill-Korea fl-UE, min-naħa l-oħra, laħaq l-EUR 20,3 biljun, li jfisser żieda ta' 35 % meta mqabbel mas-sena preċedenti;

ir-rata tal-utilizzazzjoni tal-preferenzi tal-UE fis-suq Korean kibret għal 68,5 %, filwaqt li r-rata tal-utilizzazzjoni tal-preferenzi tal-Korea kienet tammonta għal madwar 85 %;

ġew stabbiliti seba' kumitati speċjali, seba' gruppi ta' ħidma, u djalogu dwar il-proprjetà intellettwali;

il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli – li huwa korp speċjalizzat li jiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-Ftehim UE-Korea – qiegħed jiffunzjona;

1.

Ifakkar li l-Ftehim jirrappreżenta proċess u mhux tranżazzjoni ta' darba, u għaldaqstant l-attivitajiet tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, fil-prattika għandhom ikomplu jibqgħu soġġetti għal analiżijiet u valutazzjonijiet perjodiċi dwar l-impatt kummerċjali fuq setturi ekonomiċi speċifiċi tal-UE u ta' kull Stat Membru rispettivament; jenfasizza f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġi żgurat li l-Ftehim jiġi implimentat kif xieraq u d-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu osservati;

2.

Jilqa' l-fatt li l-Ftehim wassal għal tkabbir sinifikanti fil-kummerċ bejn l-UE u l-Korea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jeżaminaw il-konsegwenzi u l-impatt dirett tal-Ftehim fuq il-benesseri tal-konsumatur, l-intraprendituri u l-ekonomija Ewropea u biex il-pubbliku jiġi informat b'mod aktar effettiv dwar tali impatti;

3.

Jenfasizza li l-konklużjoni tal-Ftehim kienet mingħajr preċedent, kemm f'termini tal-ambitu tal-Ftehim kif ukoll f'termini tal-ħeffa li biha l-ostakli għall-kummerċ kellhom jitneħħew, pereżempju, ħames snin wara li l-Ftehim daħal fis-seħħ prattikament id-dazji kollha fuq l-importazzjoni kienu tneħħew miż-żewġ naħat;

4.

Jirrimarka li l-Ftehim, bħal ftehimiet oħra dwar il-kummerċ ħieles, is-servizzi u l-investimenti, għandu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-partijiet għall-Ftehim, fuq l-integrazzjoni ekonomika, fuq l-iżvilupp sostenibbli, u fuq it-tqarrib tal-pajjiżi u ċ-ċittadini tagħhom;

5.

Jikkonstata l-isforzi tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili u tal-gruppi konsultattivi domestiċi li ġew stabbiliti bi qbil mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, li hu parti integrali tal-pakkett globali tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles; ifakkar li ż-żewġ partijiet impenjaw lilhom infushom, skont l-Artikolu 13.4 tal-Ftehim li jirrispettaw, jippromwovu u jwettqu fil-liġijiet u l-prattiki tagħhom, il-prinċipji li joriġinaw mill-obbligi tagħhom derivati mis-sħubija fl-ILO u mid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol, partikolarment il-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt għal negozjar kollettiv; jenfasizza, madankollu, li l-progress magħmul mill-Korea dwar l-objettivi li jirfdu l-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli mhuwiex sodisfaċenti, u li għad hemm każijiet ta' ksur tal-libertà ta' assoċjazzjoni, inkluż każijiet preokkupanti ta' tfigħ il-ħabs ta' kapijiet ta' trejdjunjins, u interferenza fin-negozjati, li għandha taqa' fi ħdan l-awtonomija tas-sħab fin-negozjaturi; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi konsultazzjonijiet formali mal-Gvern Korean, bi qbil mal-Artikolu 13.14 tal-Ftehim, u jekk dawn il-konsultazzjonijiet ifallu, jappella lill-panel ta' esperti msemmija fl-artikolu 13.15 tal-Ftehim biex jieħdu azzjoni u biex ikomplu d-djalogu dwar in-nuqqas tal-Gvern Korean li jikkonforma ma' wħud mill-impenji tiegħu, u partikolarment biex iwettaq sforzi kontinwi u sostnuti, bi qbil mal-obbligi li jirfdu l-Ftehim, sabiex tiġi żgurata r-ratifika mill-Korea tal-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, li dan il-pajjiż għadu ma rratifikax;

6.

Jenfasizza li hemm differenzi sinifikanti fil-livell ta' utilizzazzjoni tal-preferenzi bejn l-Istati Membri tal-UE, li jvarja bejn 16 % u 92 %; jirrimarka li aktar utilizzazzjoni tal-preferenzi fis-seħħ tista' twassal għal benefiċċji ulterjuri għall-esportaturi tal-UE li jkunu jammontaw għal aktar minn EUR 900 miljun; jissuġġerixxi li l-użu tal-preferenzi f'dan il-ftehim kummerċjali u f'oħrajn għandu jiġi analizzat sabiex jiġi mmassimizzat l-użu tal-benefiċċji kummerċjali;

7.

Jirrikonoxxi li, filwaqt li l-Ftehim jilħaq l-aspettattivi tal-partijiet f'termini ta' żieda fil-kummerċ bilaterali u ta' sħubija kummerċjali aktar profonda, il-kwistjonijiet li ġejjin għandhom jiġu analizzati u infurzati u implimentati kif xieraq skont it-tifsira tal-Ftehim u għandhom jiġu riveduti bħala rimedju għall-problemi eżistenti, dan skont il-Ftehim u bħala parti mid-djalogu mal-Korea:

(a)

l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, bħal: il-klawsola dwar it-trasport dirett, li tipprevjeni l-kumpaniji milli jottimizzaw ekonomikament il-vjeġġi bil-kontejners, il-klawsola dwar prodotti msewwija, l-inklużjoni ta' trakkijiet-tratturi fl-ambitu tal-Ftehim, u – importanti bl-istess mod – il-kwistjoni tar-regoli u l-proċeduri li jirregolaw iċ-ċertifikati għal magni esportati lejn il-Korea;

(b)

l-ostakli fil-qasam tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji, inkluż: l-ostakli li jillimitaw l-esportazzjonijiet taċ-ċanga u l-majjal tal-UE, kif ukoll prodotti tal-ħalib;

(c)

id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, bħal: ir-rikonoxximent u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u ta' drittijiet kummerċjali fir-rigward tar-rappreżentazzjoni pubblika ta' xogħlijiet mużikali, fonogrammmi u rappreżentazzjonijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew minn drittijiet relatati;

(d)

il-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli: ir-ratifika u l-implimentazzjoni mill-parti Koreana tal-Konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

(e)

il-formulazzjoni tat-test tar-regoli dwar l-oriġini u l-effett tagħhom fuq ir-rata ta' utilizzazzjoni tal-preferenzi;

(f)

kwistjonijiet b'rabta doganali inklużi proċeduri ta' verifika tal-oriġini;

8.

Jinnota li dan l-aħħar kien hemm każijiet ta' ħolqien ta' ostakli nontariffarji ġodda, bħal normi tekniċi għal magni, tagħmir jew vetturi li qabel ma kinux jeżistu; jisħaq li fenomenu partikolarment inaċċettabbli hu l-irtirar tal-omologazzjoni tat-tip ta' vettura għad-diversi produtturi tal-karozzi Ewropej, fuq bażi mhux sostanzjata; jistieden lill-Kummissjoni tibda taħdidiet bilaterali biex telimina dan il-fenomenu negattiv;

9.

Jirrimarka li ħafna intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) mhumiex konxji mill-opportunitajiet li jġib il-Ftehim; jistieden, għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistudjaw b'mod partikolari r-rata ta' utilizzazzjoni tal-preferenzi tal-SMEs u jieħdu passi effettivi biex iżidu l-għarfien fost l-SMEs rigward l-opportunitajiet li ħoloq il-Ftehim;

10.

Jappoġġa l-approfondiment ulterjuri tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-Korea, partikolarment il-Kapitolu dwar l-Investiment tal-Ftehim; jistenna li d-diffikultajiet li jikkonċernaw il-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli jiġu solvuti qabel in-negozjati dwar il-Kapitolu dwar l-Investiment; jappoġġa l-parteċipazzjoni tal-partijiet għall-Ftehim fil-ħolqien ta' aktar tkabbir ekonomiku u żvilupp sostenibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE u tal-Korea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern tar-Repubblika tal-Korea biex ma jużawx il-metodu tal-ISDS l-antik fl-eventwalità ta' negozjati dwar kapitolu fuq l-investiment, iżda biex minflok jibnu fuq Sistema ta' Qorti tal-Investiment ġdida proposta mill-Kummissjoni, u jappella lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa sistema ta' qorti tal-investiment multilaterali fuq il-perjodu twil li potenzjalment tieħu post il-mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles attwali u fil-ġejjieni;

11.

Jisħaq fuq l-importanza li l-kooperazzjoni internazzjonali tissaħħaħ aktar fil-qafas internazzjonali, fil-livelli multilaterali, plurilaterali u reġjonali, fil-kuntest tad-WTO, bħal fir-rigward tan-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali (EGA) u tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TISA);

12.

Jisħaq li l-valuri strateġiċi tal-Ftehim imorru lil hinn mill-isfera kummerċjali peress li jipprovdi bażi soda għal relazzjonijiet aktar profondi b'impenn fuq il-perjodu twil u jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' sħubija strateġika bejn l-UE u l-Korea;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tal-Korea.

(1)  ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.

(2)  ĠU L 90, 30.3.2001, p. 46.

(3)  ĠU L 90, 30.3.2001, p. 45.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2015)0250.

(5)  ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 87.

(6)  ĠU L 145, 31.5.2011, p. 19.

(7)  ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1.

(8)  ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 113.

(9)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 94.

(10)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.

(11)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.

(12)  Testi adottati, P8_TA(2016)0299.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/113


P8_TA(2017)0226

Il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani (2016/2998(RSP))

(2018/C 307/17)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tan-NU,

wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, li l-Iżrael u l-Palestina huma Stati Partijiet għalihom,

wara li kkunsidra r-rapport tal-1 ta' Lulju 2016 u d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Settembru 2016 tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Jannar 2016 u tal-20 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-ksib tal-paċi fil-Lvant Nofsani jibqa' prijorità ewlenija għall-komunità internazzjonali u element indispensabbli għall-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali u globali;

B.

billi r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni (ir-“Rappreżentant Għoli”) esprimiet f'bosta okkażjonijiet l-impenn tagħha li ġġedded u tintensifika r-rwol tal-Unjoni fil-proċess ta' paċi; billi f'April 2015, ir-Rappreżentant Għoli ħatret Rappreżentant Speċjali tal-UE ġdid għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani (ir-“Rappreżentant Speċjali tal-UE”); billi r-Rappreżentant Speċjali għadu ma ġab l-ebda riżultat;

C.

billi l-Kwartett u s-sħab reġjonali bħall-Eġittu, il-Ġordan u l-Arabja Sawdija għandhom rwol importanti fit-tiftix ta' soluzzjoni għall-kunflitt bejn l-Għarab u l-Iżraeljani;

D.

billi t-tkomplija tal-vjolenza, l-attakki terroristiċi kontra persuni ċivili u l-inċitament favur il-vjolenza qed jaggravaw bil-kbir in-nuqqas ta' fiduċja u huma fundamentalment inkompatibbli ma' soluzzjoni paċifika;

E.

billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fir-Riżoluzzjoni 2334(2016) tiegħu:

(a)

afferma mill-ġdid li l-istabbiliment ta' insedjamenti Iżraeljani fit-territorju Palestinjan, okkupat sa mill-1967, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant, ma għandu l-ebda validità legali u jikkostitwixxi ksur sfaċċat tad-dritt internazzjonali u ostakolu ewlieni għall-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati;

(b)

appella lill-partijiet biex, fin-negozjati relevanti tagħhom, jiddistingwu bejn it-territorju tal-Istat ta' Iżrael u t-territorji okkupati sa mill-1967;

(c)

fakkar fl-obbligu skont il-pjan direzzjonali tal-Kwartett għall-Forzi tas-Sigurtà tal-Awtorità Palestinjana li jibqgħu sejrin b'operazzjonijiet effettivi bil-għan li jaffaċċjaw dawk kollha involuti fit-terroriżmu u jżarmaw il-kapaċitajiet terroristiċi, inkluża l-konfiska tal-armi illegali;

F.

billi skont l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-UE fil-Palestina, hemm rata għolja ta' strutturi Palestinjani li twaqqgħu matul dawn l-aħħar xhur;

G.

billi hemm rapporti numerużi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istrixxa ta' Gaża;

H.

billi hemm tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri fuq iż-żewġ naħat, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-istrajk tal-ġuħ li għaddej min-naħa tal-priġunieri Palestinjani; billi ż-żewġ partijiet għandhom jonoraw l-obbligi internazzjonali fir-rispett għad-drittijiet tal-priġunieri;

I.

billi l-partijiet kollha għandhom jappoġġjaw djalogu u kollaborazzjoni prattika, b'mod partikolari fl-oqsma tas-sigurtà, l-aċċess għall-ilma, ir-riżorsi tas-sanità u l-enerġija, u l-promozzjoni tat-tkabbir fl-ekonomija Palestinjana, u b'hekk joffru viżjoni ta' tama, paċi u rikonċiljazzjoni fir-reġjun li tant għandu bżonnhom;

J.

billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u ż-żewġ naħat għandhom ikunu bbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li jiggwidaw il-politika interna u internazzjonali tagħhom u jikkostitwixxu element essenzjali ta' dawn ir-relazzjonijiet;

1.

Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina abbażi tal-fruntieri stabbiliti fl-1967, b'Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael sigur u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jikkoeżistu fil-paċi u s-sigurtà, abbażi tal-jedd għall-awtodeterminazzjoni u r-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali;

2.

Jenfasizza l-importanza li l-partijiet jerġgħu jibdew in-negozjati sustantivi mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li jilħqu paċi ġusta, dejjiema u komprensiva; jappella liż-żewġ partijiet biex jevitaw passi li jistgħu jservu ta' xrara għal eskalazzjoni ulterjuri, inklużi miżuri unilaterali li jistgħu jippreġudikaw l-eżitu tan-negozjati, jheddu l-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u jiġġeneraw nuqqas ulterjuri ta' fiduċja; jappella liż-żewġ partijiet biex jiddikjaraw mill-ġdid l-impenn tagħhom favur is-soluzzjoni ta' żewġ stati, biex b'hekk jiddisassoċjaw ruħhom mill-ilħna li jirrifjutaw din is-soluzzjoni;

3.

Jopponi b'qawwa kull azzjoni li ddgħajjef il-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u jħeġġeġ liż-żewġ naħat juru, permezz ta' politiki u azzjonijiet, impenn ġenwin lejn soluzzjoni ta' żewġ stati sabiex tinbena mill-ġdid il-fiduċja; jilqa' l-impenn espress matul iż-żjara reċenti tal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu u l-President Palestinjan Mahmoud Abbas lejn l-Istati Uniti biex jaħdmu flimkien fis-sliem;

4.

Jissottolinja li l-protezzjoni u l-ippreservar tal-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati għandha tkun il-prijorità immedjata tal-politiki u tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina u tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani;

5.

Jikkundanna l-atti ta' vjolenza kollha, l-atti terroristiċi kontra l-Iżraeljani u l-inċitament favur il-vjolenza li huma fundamentalment inkompatibbli mal-progress fir-rigward ta' soluzzjoni ta' żewġ stati paċifiċi; jinnota li l-partijiet kollha għandhom jaġixxu b'mod effettiv kontra l-vjolenza, it-terroriżmu, id-diskors ta' mibegħda, u l-inċitament, peress li dan huwa kritiku biex terġa' tinbena l-kunfidenza u tiġi evitata l-eskalazzjoni li tfixkel aktar il-prospetti tal-paċi;

6.

Jenfasizza, billi jfakkar li l-insedjamenti huma illegali skont id-dritt internazzjonali, li d-deċiżjonijiet riċenti biex jiġi stabbilit insedjament ġdid fil-qalba tax-Xatt tal-Punent, li jinħarġu sejħiet għal offerti għal kważi 2 000 unità ta' insedjament u li art oħra fil-qalba tax-Xatt tal-Punent tiġi ddikjarata bħala “art statali” jdgħajfu ulterjorment il-prospettivi favur soluzzjoni vijabbli ta' żewġ stati; jikkundanna l-kontinwazzjoni ta', u jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex minnufih itemmu u jreġġgħu lura l-politika tagħhom dwar l-insedjamenti; jiddispjaċih, b'mod partikolari, dwar l-approvazzjoni “tal-liġi dwar ir-regolarizzazzjoni” min-naħa tal-Knesset fis-6 ta' Frar 2017, li tippermetti legalizzazzjoni retroattiva tal-insedjamenti mibnija fuq proprjetajiet Palestinjani mingħajr l-approvazzjoni tas-sid privat leġittimu; jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema dwar din il-leġiżlazzjoni l-ġdida;

7.

Jieħu nota pożittiva tal-paragrafu 8 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2016 dwar l-impenn tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiżguraw implimentazzjoni sħiħa ta' leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u arranġamenti bilaterali bejn l-UE u l-Iżrael;

8.

Jappella għat-tmiem tat-twaqqigħ ta' djar Palestinjani u strutturi u proġetti ffinanzjati mill-UE, l-ispostament furzat ta' familji Palestinjani u l-konfiska ta' proprjetà Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, bi qbil mar-rapport tal-Kwartett; jenfasizza r-responsabbiltà tal-awtoritajiet rilevanti tal-UE sabiex ikomplu jiżguraw li l-ebda finanzjament tal-UE ma jista' jiġi ddevjat direttament jew indirettament lejn organizzazzjonijiet jew attivitajiet terroristiċi li jinċitaw dawn l-atti;

9.

Ifakkar li l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-istati u l-atturi mhux statali, inkluża r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħhom, hija pedament għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun;

10.

Jisħaq li r-rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana hija element importanti biex tinkiseb is-soluzzjoni ta' żewġ stati, u jiddeplora n-nuqqas kontinwu ta' għaqda bejn il-Palestinjani; jappoġġja l-appell tal-UE lill-fazzjonijiet Palestinjani biex iqiegħdu r-rikonċiljazzjoni u r-ritorn tal-Awtorità Palestinjana fl-Istrixxa ta' Gaża fil-quċċata tal-prijoritajiet; iħeġġeġ lill-forzi Palestinjani jerġgħu jagħtu bidu, mingħajr dewmien, għall-isforzi favur ir-rikonċiljazzjoni, speċjalment billi jorganizzaw l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li suppost ilhom li saru; jenfasizza li l-Awtorità Palestinjana trid tassumi l-funzjoni tagħha ta' gvern fl-Istrixxa ta' Gaża, inkluż fil-qasam tas-sigurtà u l-amministrazzjoni ċivili u permezz tal-preżenza tagħha fil-punti ta' qsim tal-fruntiera;

11.

Jenfasizza li l-attivitajiet militanti u l-akkumulazzjoni illegali ta' armi jrawmu l-instabbiltà u finalment ifixklu l-isforzi biex tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata; jistieden lill-Forzi tas-Sigurtà tal-Awtorità Palestinjana jwettqu operazzjonijiet għalkollox effikaċi u f'waqthom biex jaġixxu kontra l-attivitajiet ta' dawn il-gruppi militanti, bħall-isparar tar-rokits fuq l-Iżrael; jenfasizza l-ħtieġa imperattiva li l-gruppi terroristiċi jiġu evitati milli jakkwistaw l-armi u jwettqu l-kuntrabandu tal-armamenti tagħhom, jipproduċu r-rokits u jibnu l-mini;

12.

Itenni t-talba tiegħu għat-tmiem tal-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża u għar-rikostruzzjoni urġenti u r-rijabilitazzjoni ta' din iż-żona;

13.

Ifakkar lill-Istati Membri fid-Dikjarazzjoni ta' Venezja ta' Ġunju 1980, meta l-Istati Membri tal-UE ħadu r-responsabbiltà tagħhom fil-proċess ta' paċi; jitlob għal Dikjarazzjoni tal-UE ġdida li trid tiġi adottata f'Ġunju ta' din is-sena; jitlob lir-Rappreżentant Għoli biex tuża din id-dikjarazzjoni l-ġdida biex timpenja ruħha fl-istabbiliment ta' inizjattiva Ewropea ta' paċi fir-reġjun li tkun ambizzjuża u komprensiva;

14.

Jappella li din l-inizjattiva ta' paċi tal-Unjoni Ewropea tindirizza l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, bil-għan li tikseb riżultati tanġibbli fi ħdan qafas ta' żmien stipulat, fil-qafas ta' soluzzjoni ta' żewġ stati, u b'mekkaniżmu ta' monitoraġġ u implimentazzjoni internazzjonali; jenfasizza l-importanza ta' parteċipazzjoni attiva flimkien ma' atturi internazzjonali oħrajn f'dan ir-rigward, fil-qafas tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani u fir-rigward, b'mod partikolari, tal-inizjattiva Għarbija għall-paċi; jappella għall-użu effettiv tal-ingranaġġ u l-istrumenti eżistenti tal-Unjoni Ewropea fin-negozjati maż-żewġ partijiet sabiex jiġu ffaċilitati l-isforzi ta' paċi, peress li azzjoni kkoordinata tal-UE tista' twassal għal riżultati;

15.

Jissottolinja li, bil-għan li jingħata sostenn lil inizjattiva Ewropea ta' paċi ġenwina, id-dmir primarju tal-Istati Membri huwa li jikkontribwixxu b'mod attiv fit-tiswir ta' pożizzjoni Ewropea unita u jżommu lura milli jieħdu inizjattivi unilaterali li jdgħajfu l-azzjoni Ewropea; jissottolinja li l-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern Ewropej ma jistgħux jitolbu lill-Unjoni biex tkun proattiva fir-reġjun jekk il-pożizzjonijiet diverġenti tagħhom jimpedixxu lill-Unjoni milli titkellem b'leħen wieħed permezz tar-Rappreżentant Għoli;

16.

Jinnota l-potenzjal qawwi tal-komunità Għarbija Palestinjana f'Iżrael li twettaq rwol importanti fil-ksib ta' paċi dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u l-importanza tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proċess tal-paċi, u l-kontribut għalih; jitlob għal drittijiet ugwali għaċ-ċittadini tal-Iżrael, li hija prekundizzjoni bażika sabiex tkun tista' twettaq dan ir-rwol;

17.

Jitlob l-appoġġ u l-protezzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-atturi tas-soċjetà ċivili, inkluż l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, li jikkontribwixxu għall-isforzi tal-paċi u għall-bini tal-fiduċja bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani fuq iż-żewġ naħat, u jilqa' l-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-proċess ta' paċi permezz ta' ideat u inizjattivi innovattivi ġodda;

18.

Jissuġġerixxi li titnieda inizjattiva “Membri Parlamentari għall-Paċi” li tfittex li tiġbor flimkien membri parlamentari Ewropej, Iżraeljani u Palestinjani sabiex ikunu jistgħu jressqu 'l quddiem aġenda għall-paċi u jikkumplementaw l-isforzi diplomatiċi tal-UE;

19.

Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE trawwem inizjattivi li jistgħu jikkontribwixxu biex tinbena mill-ġdid il-fiduċja bejn l-atturi politiċi, mhux statali u ekonomiċi u biex jiġi stabbilit mudell ta' kooperazzjoni rigward kwistjonijiet konkreti; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza tal-oqsma ta' politika fejn il-kooperazzjoni hija imperattiva għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, b'mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà, l-aċċess għall-ilma, is-sanità, ir-riżorsi tal-enerġija, u t-tkabbir tal-ekonomija Palestinjana;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lir-Rappreżentant tal-Kwartett, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/117


P8_TA(2017)0227

L-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja (2017/2654(RSP))

(2018/C 307/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2017 bit-titlu “Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja” (JOIN(2017)0011) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tat-3 ta' April 2017, li flimkien jikkostitwixxu l-istrateġija l-ġdida tal-UE rigward is-Sirja,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kopresidenti tal-5 ta' April 2017 dwar il-Konferenza dwar “Appoġġ għall-ġejjieni tas-Sirja u tar-reġjun”,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-30 ta' Diċembru 2016 dwar it-tħabbir ta' waqfien mill-ġlied fis-Sirja u tat-23 ta' Marzu 2017 dwar is-Sirja, u d-Dikjarazzjoni tal-VP/RGħ f'isem l-UE tad-9 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni f'Aleppo,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ tas-6 ta' April 2017 dwar l-allegat attakk kimiku f'Idlib, is-Sirja, u tas-7 ta' April 2017 dwar l-attakk mill-Istati Uniti fis-Sirja,

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi tal-UE kontra dawk responsabbli għar-repressjoni vjolenti fis-Sirja, fosthom dawk tal-14 ta' Novembru 2016 u tal-20 ta' Marzu 2017,

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar is-Sirja, stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), u r-riżoluzzjonijiet tal-UNHRC dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) dwar l-ISIL/Da'esh u l-Front Al-Nusra u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU dwar il-kunflitt fir-Repubblika Għarbija Sirjana, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2218 (2013), 2139 (2014), 2165 (2014), 2191 (2014), 2199 (2015), 2254 (2015), 2258 (2015), 2268 (2016), 2328 (2016), 2332 (2016), u 2336 (2016),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-KSNU 1325 (2000) tal-31 ta' Ottubru 2000 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) A/71/L.48 tad-19 ta' Diċembru 2016 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011,

wara li kkunsidra l-Communiqué ta' Ġinevra tal- 2012,

wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-konvenzjonijiet kollha tan-NU li s-Sirja hija Stat Parti fihom,

wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma u d-dokumenti fundaturi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ),

wara li kkunsidra tribunali ad hoc, inklużi t-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja, it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda u t-Tribunal Speċjali għal-Libanu,

wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli addizzjonali tagħhom,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-gwerra fis-Sirja saret waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji li d-dinja kellha tħabbat wiċċha magħhom mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, u billi għadha tħalli effetti qerrieda u konsegwenzi traġiċi għall-poplu ta' dak il-pajjiż; billi għexieren ta' persuni ċivili, inklużi tfal, sfaw fil-mira, u għadhom iġarrbu t-tbatija f'din il-gwerra ċivili brutali, u billi aktar minn 400 000 ruħ tilfu ħajjithom minn meta dan il-kunflitt faqqa' fis-Sirja fl-2011; billi aktar minn 13,5 miljun ruħ fis-Sirja, kważi tliet kwarti tal-popolazzjoni li baqgħet fil-pajjiż, huma fil-bżonn urġenti ta' għajnuna ta' emerġenza bħal assistenza medika u ta' ikel, ilma u kenn; billi 6,3 miljun ruħ huma spostati internament, 4,7 miljun ruħ jgħixu f'żoni li diffiċli jintlaħqu u li jinsabu assedjati, u 5 miljun ruħ jgħixu bħala rifuġjati f'pajjiżi ġirien u fir-reġjun usa'; billi l-kriżi fis-Sirja qed ikollha impatt dejjem aktar destabbilizzanti fuq ir-reġjun usa';

B.

billi, mindu faqqgħet il-gwerra fl-2011, l-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha, sa Jannar 2017 immobilizzat aktar minn EUR 9,4 biljun b'rispons għall-kriżi Sirjana, kemm fis-Sirja u kemm fir-reġjun, u b'dan il-mod saret l-akbar donatur; billi l-UE appoġġjat ukoll b'mod sostanzjali l-pajjiżi ġirien li jospitaw lir-rifuġjati;

C.

billi l-vjolazzjonijiet li twettqu tul il-kunflitt Sirjan jinkludu attakki mmirati u indiskriminati fuq persuni ċivili, qtil extraġudizzjarju, tortura u maltrattament, għajbien furzat, arresti tal-massa u arbitrarji, kastigi kollettivi, attakki fuq persunal mediku u t-tiċħid mill-ikel u mill-ilma; billi ġie rrappurtat li r-reġim ta' Assad huwa responsabbli għall-qtil b'tgħalliq, atti ta' tortura u qtil extraġudizzjarju fuq skala massiva fil-faċilitajiet ta' detenzjoni tiegħu; billi l-Gvern Sirjan deliberatament ċaħħad lil persuni ċivili minn prodotti u servizzi essenzjali, inkluż mill-provvista tal-ikel u tal-ilma kif ukoll mill-assistenza medika; billi l-attakki, u t-tiġwiħ ta' persuni ċivili bħala tattika tal-gwerra, permezz ta' assedji ta' żoni popolati, jikkostiwixxu ksur ċar tal-liġi umanitarja internazzjonali; billi dawn id-delitti s'issa għadhom ma ġewx ikkastigati;

D.

billi l-ISIS/Da'esh u gruppi ġiħadisti oħra wettqu atroċitajiet krudili, fosthom l-użu ta' eżekuzzjonijiet brutali, kif ukoll atti tal-waħx ta' vjolenza sesswali, ħtif, tortura, konverżjonijiet furzati u tjassir tan-nisa u l-bniet; billi tfal ġew irreklutati u użati f'attakki terroristiċi; billi hemm tħassib serju dwar il-benessri tal-popolazzjoni li bħalissa tinsab taħt il-kontroll tal-ISIS/Da'esh u dwar l-użu possibbli tagħhom bħala tarki umani matul il-kampanja ta' liberazzjoni; billi dawn ir-reati jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

E.

billi l-waqfien mill-ġlied li beda jseħħ fit-30 ta' Diċembru 2016 mhuwiex qed jiġi rispettat, hekk li ġew rappurtati diversi vjolazzjonijiet madwar is-Sirja kollha, u seħħew inċidenti serji, bħall-attakk kimiku f'Khan Sheyhoun – preżumibbilment imwettaq mir-reġim – u l-bumbardament fuq xarabanks li kienu qed iġorru lil nies evakwati mill-bliet assedjati ta' Foah u Kefraya lejn żoni kkontrollati mill-gvern; billi nqatlu għexieren ta' persuni, fosthom tfal, filwaqt li ħafna oħrajn sfaw feruti;

F.

billi diversi investigazzjonijiet ikkonkludew li l-forzi ta' Assad użaw aġenti kimiċi maħsuba biex jagħmlu l-ħsara u joqtlu lil persuni ċivili, bi ksur tal-arranġament li kien intlaħaq fl-2013 għall-eliminazzjoni tagħhom; billi l-aħħar każ ta' użu ta' armi ta' qerda massiva kontra persuni ċivili seħħ fl-4 ta' April 2017 f'Khan Sheyhoun fil-provinċja ta' Idlib, fejn inqatlu tal-anqas 70 persuna ċivili, ħafna minnhom tfal, u mijiet oħra sfaw midruba; billi, fit-12 ta' April 2017, ir-Russja użat il-veto kontra riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li kienet tikkundanna l-użu rrappurtat ta' armi kimiċi projbiti fis-Sirja, u li kienet tappella lill-Gvern tas-Sirja biex jikkoopera ma' investigazzjoni dwar l-inċident; billi l-Istati Uniti infurmat lill-UE li, abbażi tal-valutazzjoni tagħha li r-reġim Sirjan kien uża armi kimiċi, nediet attakk fuq il-bażi tal-ajru militari ta' Al-Shayrat fil-Governorat ta' Homs, is-Sirja, bl-intenzjoni li timpedixxi u tiskoraġġixxi t-tixrid u l-użu ta' armi kimiċi;

G.

billi, f'Marzu 2017, l-UE żiedet fil-lista ta' sanzjonijiet l-ismijiet ta' erba' uffiċjali għolja militari Sirjani minħabba r-rwol tagħhom fl-użu ta' armi kimiċi kontra l-popolazzjoni ċivili, fi qbil mal-politika tal-UE li tiġġieled il-proliferazzjoni u l-użu tal-armi kimiċi;

H.

billi l-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker semma l-ħtieġa ta' strateġija tal-UE għas-Sirja fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni f'Settembru 2016; billi, f'Ottubru, il-Parlament stieden lill-VP/RGħ Federica Mogherini tiżgura li l-istrateġija l-ġdida jkollha l-għan li tiffaċilita soluzzjoni politika għas-sitwazzjoni fis-Sirja, inkluż permezz ta' għodod ta' monitoraġġ u infurzar li jsaħħu l-konformità mal-impenji meħuda fil-qafas tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja (ISSG);

I.

billi l-għan tal-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja huwa li tiddeskrivi kif l-UE jista' jkollha rwol aktar viżibbli u effikaċi hija u tikkontribwixxi għal soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja fil-kuntest tal-qafas eżistenti approvat min-NU, u kif tista' tappoġġja r-rikostruzzjoni ta' wara l-ftehim ladarba tkun inbdiet tranżizzjoni kredibbli; billi din l-istrateġija tiddeskrivi sitt oqsma ewlenin ta' attenzjoni, jiġifieri: it-tmiem tal-gwerra permezz ta' tranżizzjoni politika ġenwina; il-promozzjoni ta' tranżizzjoni sinifikanti u inklussiva; l-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji tas-Sirjani l-aktar vulnerabbli; il-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem; il-promozzjoni tal-obbligu ta' rendikont għad-delitti tal-gwerra u l-appoġġ għar-reżiljenza tal-popolazzjoni u tas-soċjetà Sirjana;

J.

billi, fil-5 ta' April 2017, l-UE kopresidiet konferenza dwar appoġġ għall-ġejjieni tas-Sirja u tar-reġjun, li laqqgħet flimkien rappreżentanti minn aktar minn 70 pajjiż, minn organizzazzjonijiet internazzjonali u mis-soċjetà ċivili internazzjonali u Sirjana; billi l-Konferenza ta' Brussell laħqet qbil dwar approċċ olistiku għat-trattament tal-kriżi Sirjana, b'assistenza finanzjarja addizzjonali ta' EUR 3,47 biljun biex jintlaqa' għas-sitwazzjoni umanitarja fil-perjodu 2018-2020, inkluża s-somma ta' EUR 1,3 biljun mill-UE, l-akbar donatur fil-kriżi; billi, barra minn hekk, ċerti istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u donaturi ħabbru madwar EUR 27,9 biljun f'self; billi l-ispiża tar-rikostruzzjoni fis-Sirja hija stmata għal madwar USD 200 biljun;

K.

billi l-UE tirrikonoxxi u tappoġġja l-isforzi magħmula mit-Turkija, mil-Libanu u mill-Ġordan, il-pajjiżi ġirien tas-Sirja li jospitaw l-akbar għadd ta' rifuġjati;

L.

billi, fl-4 ta' Mejju 2017, ir-Russja, l-Iran u t-Turkija laħqu ftehim f'Astana (il-Każakistan) li jistabbilixxi erba' żoni ta' tnaqqis tal-intensità tal-kunflitt; billi t-tliet pajjiżi firmatarji għandhom jaġixxu bħala garanti tat-tregwa rinnovabbli ta' sitt xhur, inkluż permezz ta' osservaturi armati fil-post; billi dan il-ftehim jitlob li jintemmu t-titjiriet kollha mir-reġim ta' Assad fuq dawn iż-żoni u li jkun hemm aċċess umanitarju bla xkiel fiż-żoni okkupati mir-ribelli; billi sessjoni ġdida ta' taħditiet immexxija min-NU se tissokta f'Ġinevra din il-ġimgħa u rawnd ieħor ta' taħditiet immexxija mir-Russja huwa ppjanat għal nofs Lulju fil-Każakistan;

M.

billi l-UE ddikjarat ripetutament li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt Sirjan u li biss tranżizzjoni inklussiva u mmexxija mis-Sirja tista' ttemm it-tbatija inaċċettabbli tal-poplu Sirjan; billi, filwaqt li huwa ċar li r-rikostruzzjoni tista' tibda biss wara li jkun intlaħaq ftehim politiku, jeħtieġ li l-isforzi ta' rikonċiljazzjoni jibdew malajr kemm jista' jkun u li jkollhom l-appoġġ tal-UE, bil-għan li tinkiseb stabbiltà fit-tul; billi d-determinazzjoni tal-verità, il-promozzjoni tal-obbligu ta' rendikont u ta' ġustizzja tranżizzjonali, kif ukoll amnistija, ilkoll huma essenzjali f'dan il-kuntest;

1.

Jilqa' l-Istrateġija tal-UE għas-Sirja, inklużi l-għanijiet strateġiċi tal-UE dwar is-Sirja u l-objettivi tal-UE għas-Sirja kif ukoll l-eżitu tal-Konferenza ta' Brussell li żgurat impenji pluriennali; iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha jonoraw l-impenji tagħhom bis-sħiħ u jkomplu bl-appoġġ tagħhom fil-ġejjieni;

2.

Jikkundanna, għal darb' oħra u bl-akbar qawwa, l-atroċitajiet u l-vjolazzjonijiet mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mwettqa mill-partijiet kollha fil-kunflitt, u b'mod partikolari mill-forzi tar-reġim ta' Assad bl-appoġġ tal-alleati tiegħu, ir-Russja u l-Iran, kif ukoll minn gruppi armati mhux statali, b'mod partikolari l-ISIS/Da'esh u Jabhat Fateh al-Sham; jisħaq fuq il-pożizzjoni tiegħu li dawk kollha responsabbli għal vjolazzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali u tal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem jridu jagħtu kont ta' għemilhom; iħeġġeġ lill-istati kollha japplikaw il-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali huma u jindirizzaw l-impunità, u jilqa' b'sodisfazzjon il-passi li għadd ta' Stati membri ħadu għal dan il-għan, fosthom id-deċiżjoni reċenti mill-Qorti Nazzjonali ta' Spanja li tisma' kawża kriminali kontra disa' uffiċjali tal-intelligence tas-Sirja fuq akkużi ta' tortura u ta' vjolazzjonijiet oħra tad-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu li l-UE u l-Istati Membri tagħha jesploraw, f'koordinament mill-qrib ma' pajjiżi tal-istess fehma, il-ħolqien ta' tribunal għad-delitti tal-gwerra fis-Sirja, sakemm isir b'suċċess riferiment lill-Qorti Kriminali Internazzjonali; jenfasizza li dawk li jwettqu delitti kontra gruppi u minoranzi reliġjużi, etniċi u ta' tip ieħor għandhom jitressqu wkoll quddiem il-ġustizzja; jibqa' konvint li la jista' jkun hemm riżoluzzjoni effikaċi tal-kunflitti u lanqas paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr ma jingħata kont tad-delitti li jkunu twettqu;

3.

Jikkundanna bl-akbar qawwa l-attakk kimiku ta' tkexkix fuq il-belt ta' Khan Sheyhoun fil-provinċja ta' Idlib fl-4 ta' April 2017 li kkawża l-mewt ta' tal-anqas 70 persuna ċivili, fosthom tfal u ħaddiema umanitarji, u li ħalla ħafna vittmi juru sintomi ta' avvelenament bil-gass; jieħu nota li allegazzjoni tal-użu ta' armi kimiċi hija kredibbli skont il-valutazzjoni preliminari mwettqa mill-missjoni ta' verifika tal-fatti tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW); jenfasizza l-obbligu tas-Sirja li tirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni ta' inkjesta tal-OPCW u tal-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt bejn l-OPCW u n-Nazzjonijiet Uniti, billi tagħti aċċess immedjat u bla xkiel u tirrikonoxxi d-dritt li jsiru spezzjonijiet f'kull sit; jenfasizza li dawk responsabbli għal attakki bħal dawn se jkollhom jagħtu kont ta' għemilhom quddiem qorti tal-ġustizzja; jiddeplora l-użu ripetut tal-veto mir-Russja fil-Kunsill tas-Sigurtà, inkluż għal riżoluzzjoni tal-KSNU li kienet tikkundanna l-aktar attakk kimiku reċenti u titlob li ssir investigazzjoni internazzjonali;

4.

Jilqa' l-ħolqien ta' Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011, jiddeplora l-fatt li dan il-mekkaniżmu għadu mhux iffinanzjat kompletament; jistieden lill-Istati Membri jwettqu l-impenji tagħhom f'dan ir-rigward;

5.

Jibqa' kommess favur l-għaqda, is-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza tas-Sirja u jappoġġja approċċ qawwi ta' “Sirja Sħiħa” u ġejjieni demokratiku għall-poplu Sirjan; jinsisti li l-pajjiż jista' jinġieb għall-paċi biss permezz ta' proċess politiku mmexxi mis-Sirja li jwassal għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, iffaċilitati u ssorveljati min-Nazzjonijiet Uniti u organizzati abbażi ta' kostituzzjoni ġdida; itenni lill-partijiet kollha li waqfien mill-ġlied inklussiv madwar il-pajjiż kollu u soluzzjoni aċċettabbli għal kulħadd jistgħu jintlaħqu taħt l-awspiċi tan-NU u, kif previst fil-Communiqué ta' Ġinevra tal-2012 u fir-riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-KSNU, bl-appoġġ tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għas-Sirja, Staffan de Mistura, u ta' atturi internazzjonali u reġjonali ewlenin;

6.

Jieħu nota tal-memorandum reċenti dwar it-twaqqif ta' żoni ta' tnaqqis tal-intensità tal-kunflitt fis-Sirja u jappoġġja l-intenzjoni li jissaħħaħ il-waqfien mill-ġlied, li jintemmu t-titjiriet tal-forza tal-ajru tar-reġim fuq iż-żoni ta' tnaqqis tal-intensità tal-kunflitt, u li jinħolqu kundizzjonijiet għall-aċċess umanitarju, l-assistenza medika, ir-ritorn ta' persuni ċivili spostati lejn djarhom u r-restawr tal-infrastruttura li ġarrbet ħsara; jenfasizza, madankollu, it-tħassib li esprimiet l-oppożizzjoni dwar il-biża' li l-ftehim jista' jwassal għall-ħolqien ta' żoni ta' influwenza u għall-qsim tas-Sirja; jappella biex il-partijiet kollha jimplimentaw il-ftehimiet ta' Astana, u biex it-tliet garanti jiżguraw li l-waqfien mill-ġlied jiġi rrispettat; jenfasizza l-importanza li tiġi eliminata kwalunkwe ambigwità fir-rigward ta' gruppi mhux koperti mill-waqfien mill-ġlied u jistieden lill-partijiet kollha, inkluża t-Turkija, jiżguraw li l-memorandum ma jiffaċilitax attakki kontra l-forzi alleati mal-oppożizzjoni moderata jew kontra dawk li qed jiġġieldu fuq in-naħa tal-koalizzjoni internazzjonali kontra l-ISIS/Da'esh; jissottolinja li jrid jiġi żgurat li jkun hemm monitoraġġ internazzjonali tal-implimentazzjoni, u jappoġġja involviment robust tan-NU;

7.

Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa u lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran jużaw l-influwenza tagħhom fuq ir-reġim Sirjan biex dan jaċċetta u jimpenja ruħu attivament favur kompromess raġonevoli li jġib fi tmiemha l-gwerra ċivili u jwitti t-triq għal tranżizzjoni inklussiva u ġenwina; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-oppożizzjoni moderata, jidentifikaw u jiżolaw l-elementi radikalizzati u jippromwovu r-rikonċiljazzjoni; iħeġġeġ lill-membri tal-Kumitat Għoli tan-Negozjati (HNC) jkomplu jinvolvu ruħhom fit-taħditiet medjati min-NU f'Ġinevra;

8.

Jemmen fermament li l-UE jeħtiġilha timpenja ruħha b'mod aktar attiv u tutilizza l-kontribut finanzjarju importanti tagħha għal wara l-kunflitt sabiex tiżvolġi rwol sinifikanti fl-isforzi tan-negozjar fil-qafas eżistenti maqbul min-NU u tiżgura t-tranżizzjoni politika, filwaqt li tiżviluppa politika speċifika li jkollha l-għan li tqarreb il-partijiet aktar lejn xulxin u tintensifika l-isforzi tagħha fl-oqsma fejn l-Unjoni jista' jkollha valur miżjud; jappoġġja l-isforzi kontinwi tal-VP/RGħ biex tikkomunika mal-atturi ewlenin fir-reġjun bil-ħsieb li tiżgura t-tranżizzjoni politika kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni u r-rikostruzzjoni wara l-kunflitt; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tibda tiżviluppa pjan konkret għall-involviment tagħha fir-rikostruzzjoni tas-Sirja u timmira lejn sforzi inklussivi u konġunti ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u ma' istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin, kif ukoll ma' atturi reġjonali u lokali; jenfasizza, madankollu, l-importanza li s-Sirjani nfushom ikollhom sjieda tal-proċess ta' rikostruzzjoni wara l-kunflitt;

9.

Jissottolinja l-importanza kritika tal-ħidma ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali biex jiddokumentaw l-evidenza ta' delitti tal-gwerra, ta' delitti kontra l-umanità u ta' vjolazzjonijiet oħra, inkluża l-qerda tal-wirt kulturali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu aktar għajnuna, u għajnuna kompluta, lil dawn l-atturi; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiffinanzjaw b'mod adegwat organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq l-investigazzjoni “open source” u l-ġbir diġitali tal-evidenza ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, biex jiżguraw li jingħata kont ta' dawn l-atti u jressqu lil min wettaqhom quddiem il-ġustizzja;

10.

Jilqa' l-enfasi li saret fuq l-appoġġ għar-reżiljenza tal-popolazzjoni u tas-soċjetà Sirjana fl-Istrateġija tal-UE għas-Sirja; Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom bil-għan li jibnu l-kapaċitajiet taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fis-Sirja, inkluż flimkien ma' atturi, u permezz tagħhom, li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza (inklużi l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-minoranzi), id-demokrazija u l-abilitazzjoni, fejn ikun possibbli fis-Sirja, kif ukoll għal rifuġjati Sirjani li qed jgħixu fl-eżilju fir-reġjun jew fl-Ewropa; jenfasizza li dan il-bini tal-kapaċità għandu jappoġġja lis-Sirjani huma u jindirizzaw it-tranżizzjoni (f'oqsma bħar-regolazzjoni tal-midja, id-deċentralizzazzjoni, l-amministrazzjoni tal-muniċipalitajiet u t-tfassil tal-kostituzzjoni), filwaqt li jqis b'mod xieraq il-ħtiġijiet u r-rwol tan-nisa;

11.

Jesprimi sodisfazzjon dwar il-fatt li r-rwol tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa, ġie rikonoxxut bħala element fundamentali ta' soluzzjoni dejjiema; ifakkar il-fatt li l-UE jeħtiġilha tippromwovi u tiffaċilita l-involviment adegwat jew il-konsultazzjoni adegwata tas-soċjetà ċivili u tan-nisa fil-proċess ta' paċi, f'konformità mal-Approċċ Komprensiv għall-Implimentazzjoni min-naħa tal-UE tar-riżoluzzjonijiet tal-KSNU 1325 (2000) u 1820 (2008) dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jinsisti li jeħtieġ li d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa jkunu riflessi fil-kostituzzjoni l-ġdida tas-Sirja;

12.

Filwaqt li jtenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Koalizzjoni Globali kontra l-ISIS/Da'esh, jemmen li l-istrateġija tal-UE kellha wkoll teżamina mill-ġdid l-aspetti li jikkonċernaw il-ġlieda kontra l-ISIS/Da'esh u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra elenkati min-NU, b'enfasi u konċentrazzjoni fuq il-kawżi politiċi u soċjoekonomiċi fundamentali li ffaċilitaw it-tifrix tat-terroriżmu, u bl-identifikazzjoni ta' azzjonijiet konkreti biex jindirizzaw dawn il-gruppi; iqis, barra minn hekk, li kellhom jiġu elaborati modi li jgħinu biex jippreservaw in-natura multietnika, multireliġjuża u multikonfessjonali tas-soċjetà Sirjana;

13.

Jenfasizza li huwa importanti li l-minoranzi etniċi u reliġjużi fis-Sirja jkunu protetti, u jemmen bis-sħiħ li kwalunkwe proċess politiku għandu jkun inklussiv u għandu jimmira li s-Sirja jerġa' jagħmilha stat multikonfessjonali u tolleranti;

14.

Ifakkar fl-importanza kruċjali tal-implimentazzjoni bikrija ta' miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja (CBMs), li jinkludu l-aċċess umanitarju bla xkiel fis-Sirja kollha, il-forniment ta' servizzi pubbliċi bażiċi (l-elettriku, l-ilma, il-kura tas-saħħa), it-tmiem tal-assedji kollha tal-bliet, kif ukoll ir-rilaxx tal-priġunieri u tal-ostaġġi; jilqa' l-ftehim bejn il-Gvern Sirjan u l-gruppi ribelli li jippermetti l-evakwazzjoni ta' erba' bliet assedjati; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jappoġġjaw u jiffaċilitaw l-adozzjoni ta' ftehim komprensiv dwar is-CBMs;

15.

Jinnota b'dispjaċir li l-kunflitt ċivili devastanti reġġa' lill-pajjiż għexieren ta' snin lura f'termini ta' żvilupp soċjali u ekonomiku, tefa' miljuni ta' nies f'sitwazzjoni ta' qgħad u faqar u wassal għal tħarbit konsiderevoli fis-servizzi tas-saħħa u edukattivi, għall-ispostament ta' Sirjani fuq skala kbira u għal eżodu tal-imħuħ; jirrimarka, għalhekk, dwar l-importanza li titkattar l-assistenza mhux umanitarja bil-għan li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-persuni fis-Sirja u li l-ekonomija terġa' tibda taħdem; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri tal-UE juru impenn ferm aktar qawwi favur il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, b'tali mod li jippermettu lir-rifuġjati li qed jaħarbu miż-żoni tal-gwerra fis-Sirja jsibu protezzjoni lil hinn mir-reġjun tal-viċinat dirett, inkluż permezz tar-risistemazzjoni u ta' skemi ta' ammissjoni umanitarja; iqis, madankollu, li malli jintemm il-kunflitt, ir-rifuġjati Sirjani kwalifikati għandhom jingħataw inċentivi biex jirritornaw u jikkontribwixxu fl-isforzi ta' rikostruzzjoni;

16.

Jilqa' l-prijoritajiet il-ġodda ta' sħubija konklużi mill-UE mal-Ġordan u l-Libanu, kif ukoll l-illaxkar tar-regoli tal-oriġini tal-UE għall-esportazzjonijiet mill-Ġordan; jiddispjaċih li għadd kbir ta' rifuġjati fil-Ġordan, fil-Libanu u fit-Turkija għadhom jgħixu f'kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali prekarji u li spiss ma jkunux jistgħu jsibu impjieg (legali); jitlob li l-VP/RGħ tinsisti li l-awtoritajiet fil-Ġordan u fil-Libanu jaħdmu favur it-tneħħija tal-barrieri (informali) li għad fadal, jappoġġjaw opportunitajiet imwessgħa għal dawk li jaħdmu għal rashom, u jwettqu l-impenji tagħhom dwar il-ħolqien ta' impjiegi għan-nisa u ż-żgħażagħ;

17.

Jappoġġja bis-sħiħ il-mira li tiġi żgurata inizjattiva ta' “Ebda ġenerazzjoni mitlufa ta' tfal” fis-Sirja u fir-reġjun, u jitlob li jsiru sforzi addizzjonali biex tintlaħaq il-mira li t-tfal rifuġjati u vulnerabbli kollha fil-komunitajiet ospitanti jieħdu edukazzjoni ta' kwalità, b'aċċess ugwali għall-bniet u s-subien; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta l-edukazzjoni – ħafna drabi informali – fil-kampijiet tar-rifuġjati u li jingħata appoġġ għar-riabilitazzjoni psikoloġika ta' dawn it-tfal trawmatizzati;

18.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, u biex jiżgura li dan it-test jinqaleb għall-Għarbi.

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/123


P8_TA(2017)0228

It-trasport bit-triq fl-Unjoni Ewropea

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar it-trasport bit-triq fl-Unjoni Ewropea (2017/2545(RSP))

(2018/C 307/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta' operatur tat-trasport bit-triq (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar dwar takografi fit-trasport bit-triq (7),

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni bit-titolu “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti” (COM(2011)0144),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-Implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobilità sostenibbli (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar il-loġistika fl-UE u t-trasport multimodali fil-kurituri l-ġodda tat-TEN-T (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2016 dwar opportunitajiet ġodda għal negozji żgħar tat-trasport, inkluż mudelli ta' negozju kollaborattivi (10),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Istat tas-Suq tat-Trasport bit-Triq tal-Unjoni (COM(2014)0222),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq (11),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija Ewropea għal mobilità b'emissjonijiet baxxi” (COM(2016)0501), u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “It-trasport u s-CO2” (COM(1998)0204),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi u l-impenn tiegħu li jżomm iż-żieda fit-temperatura globali f'dan is-seklu għal ħafna anqas minn 2 gradi Celsius 'il fuq mil-livelli pre-industrijali u biex jitkomplew sforzi li jillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal 1,5 gradi Celsius aktar,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam tal-14 ta' April 2016 dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sewqan konness u awtomatizzat – in-navigazzjoni lejn vetturi konnessi u awtomatizzati fit-toroq Ewropej,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea (12)

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: pass importanti lejn mobilità kooperattiva, konnessa u awtomatizzata” (COM(2016)0766),

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi jenħtieġ li l-Kummissjoni tressaq, b'urġenza, proposti leġiżlattivi dwar is-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (minn hawn 'il quddiem “inizjattivi fis-settur tat-toroq”), bl-għan li jiġu identifikati u indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur;

B.

billi l-ekonomija tat-trasport bit-triq fl-UE tammonta għal 5 miljun impjieg dirett u tikkontribwixxi għal kważi 2 % tal-PDG tal-UE, bi 344 000 kumpanija tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri u aktar minn 560 000 kumpanija tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (13);

C.

billi, fl-2013, l-attivitajiet tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq fl-UE ammontaw għal 5 323 biljun kilometru ta' passiġġier, li minnhom il-karozzi tal-passiġġieri ammontaw għal 72,3 % u x-xarabankijiet u l-kowċis għal 8,1 % tat-total għall-attivitajiet ta' trasport tal-passiġġieri fl-UE-28 (14);

D.

billi s-sikurezza fit-toroq tibqa' kwistjoni attwali għall-UE, b'135 000 vittma midruba serjament u 26 100 mewt fl-2015;

E.

billi t-trasport bit-triq huwa l-mutur tal-ekonomija tal-UE u jenħtieġ li jibqa' fuq quddiem nett fil-ġenerazzjoni ta' aktar tkabbir ekonomiku u ħolqien ta' impjieg, u jippromwovi l-kompetittività u l-koeżjoni territorjali, u billi hu meħtieġ, fl-istess ħin, li s-settur isir aktar sostenibbli u jirrispetta kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u d-drittijiet soċjali;

F.

billi t-trasport bit-triq huwa settur fejn l-Ewropa hija mexxejja dinjija, kemm fl-operazzjonijiet tal-manifattura kif ukoll tat-trasport, u billi huwa kruċjali li t-trasport bit-triq Ewropew ikompli jiżviluppa, jinvesti u jiġġedded b'mod sostenibbli u ekoloġiku, sabiex tinżamm it-tmexxija teknoloġika tagħha fil-livell globali f'ekonomija globali dejjem aktar karatterizzata mill-ħolqien ta' atturi ġodda setgħana u mudelli ġodda ta' negozju;

G.

billi t-trasport bit-triq qed ikompli t-tneħħija gradwali tal-karburanti fossili, minħabba l-ħtieġa urġenti li tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija u s-sostenibilità ta' dan is-settur, b'mod partikolari permezz ta' karburanti alternattivi, sistemi tal-motopropulsjoni alternattivi u d-diġitalizzazzjoni, b'mod kosteffiċjenti mingħajr ma tiġi sagrifikata l-kompetittività tiegħu;

H.

billi t-trasport jaqdi rwol sinifikanti fit-tibdil tal-klima, li ammonta għal madwar 23,2 % tal-emissjonijiet totali tal-UE tal-gassijiet b'effett serra (GHG), u billi t-trasport bit-triq ammonta għal 72,8 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra tal-UE mit-trasport fl-2014;

I.

billi l-konġestjoni fit-toroq hija stmata li tiswa lill-ekonomija tal-UE l-ekwivalenti ta' 1 % tal-PDG f'telf ta' ħin, konsum tal-karburant addizzjonali u tniġġis;

J.

billi t-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq qed jiffaċċja għadd dejjem akbar ta' ostakoli regolatorji stabbiliti mill-Istati Membri;

K.

billi n-netwerks multimodali u l-integrazzjoni ta' mezzi ta' trasport u servizzi ta' trasport differenti huma potenzjalment ta' benefiċċju għat-titjib tal-konnessjonijiet u tal-effiċjenza tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, u b'hekk jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u emissjonijiet oħrajn li huma ta' ħsara;

L.

billi hemm nuqqas ta' infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kabotaġġ mill-Istati Membri;

M.

billi hemm differenzi kbar madwar l-UE fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet soċjali u s-sikurezza fit-toroq;

It-titjib tal-kompetittività u l-innovazzjoni fis-settur tat-toroq

1.

Iqis li jenħtieġ li l-inizjattivi fis-settur tat-toroq jagħtu spinta tant meħtieġa għal ekonomija aktar sostenibbli, sikura, innovattiva u kompetittiva fis-settur tat-toroq Ewropew, jiżviluppaw aktar l-infrastruttura tat-toroq Ewropej biex titjieb l-effiċjenza tat-trasport bit-triq u l-loġistika, jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi fis-suq globali kif ukoll it-tlestija u t-titjib fit-tħaddim tas-suq intern għat-trasport bit-triq tal-passiġġieri u l-merkanzija, u jfasslu strateġija fit-tul għas-settur tat-toroq tal-Ewropa;

2.

Iqis ukoll li jenħtieġ li l-inizjattivi tat-toroq irawmu l-iżvilupp teknoloġiku tal-vetturi, jippromwovu karburanti alternattivi, iżidu l-interoperabilità tas-sistemi u l-modi tat-trasport u jiżguraw l-aċċess għas-suq tat-trasport tal-SMEs;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport meta tkun qed tfassal inizjattivi fis-settur tat-toroq; jissottolinja li t-trasport bit-triq irid jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta' approċċ olistiku u fit-tul skont il-politika tat-trasport intermodali u sostenibbli tal-UE;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tabbozza l-“Pakkett tal-Inizjattivi dwar il-Mobilità fit-Triq”, tqis bl-istess mod ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Settembru 2016 dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea;

5.

Jenfasizza li s-settur tat-toroq huwa kontributur ewlieni għat-tkabbir u l-impjiegi tal-UE u li l-istat tal-ekonomija huwa strettament marbut mal-kompetittività fis-settur tat-toroq tal-UE; jitlob għaldaqstant li jitfasslu politiki proattivi maħsuba biex jappoġġjaw u jiżviluppaw b'mod sostenibbli s-settur tat-toroq b'kompetizzjoni ġusta, speċjalment għall-SMEs, b'mod partikolari fid-dawl tal-iżviluppi futuri diġitali, teknoloġiċi u ambjentali f'dan is-settur, filwaqt li jitħeġġeġ it-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol;

6.

Jistieden lis-settur tat-toroq Ewropew iħaddan l-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa l-infrastruttura tal-komunikazzjonijiet kemm “minn vettura għal vettura” kif ukoll “minn vettura għall-infrastruttura” biex jittejbu s-sikurezza u l-effiċjenza tat-toroq u biex jitħejja l-ġejjieni tal-mobilità tat-toroq; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żviluppat it-trasferiment tat-teknoloġija għall-vetturi, li jiżdied l-appoġġ loġistiku tagħhom u li jitfasslu definizzjonijiet u regoli xierqa dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi qafas regolatorju xieraq għas-sewqan konness u awtomatizzat kif ukoll għall-mudelli ġodda ta' negozju kollaborattiv;

7.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-armonizzazzjoni fit-trasport tal-passiġġieri u t-trasport tal-merkanzija, u b'mod partikolari għal sistemi elettroniċi ta' pedaġġ fl-UE, peress li n-nuqqas ta' armonizzazzjoni attwali jimponi spejjeż addizzjonali fuq it-trasport; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, l-użu ta' teknoloġiji diġitali (mingħajr karti u b'dokumenti standardizzati, takografu intelliġenti, noti ta' konsenja elettronika(e-CMR), eċċ.) sabiex ikun garantit suq intern li jiffunzjona b'mod sħiħ;

Il-faċilitazzjoni tal-mobilità transfruntiera fit-toroq

8.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw ir-regoli rilevanti tal-UE b'aktar reqqa u lill-Kummissjoni tissorvelja tali implimentazzjoni aktar mill-qrib, inkluż fir-rigward tal-kooperazzjoni transfruntiera, l-interpretazzjoni u l-infurzar xieraq u mhux diskriminatorju tal-leġiżlazzjoni eżistenti, u tittratta l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali; jemmen li, meta jkun leġittimu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra l-liġijiet u l-miżuri li jfixklu s-suq;

9.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw aktar mill-qrib mal-Euro Contrôle Route u man-Netwerk Ewropew tal-Pulizija tat-Traffiku (TISPOL) sabiex itejbu l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tat-trasport bit-triq fl-Ewropa u jibnu mekkaniżmu b'saħħtu biex jiżguraw l-implimentazzjoni ugwali u xierqa tal-acquis eżistenti, jiġifieri, billi jappoġġjaw lill-Istati Membri fiċ-ċertifikazzjoni, l-istandardizzazzjoni, il-kompetenza esperta teknika, il-ġbir tad-data, it-taħriġ u kompiti ta' spezzjoni, u billi jimmaniġġjaw pjattaformi għal skambju ta' informazzjoni bejn l-esperti u l-awtoritajiet nazzjonali;

10.

Jitlob lill-Istati Membri jżidu l-kontrolli, partikolarment b'rabta mal-konformità mal-ħinijiet ta' sewqan u ta' mistrieħ u r-regoli dwar il-kabotaġġ, u jużaw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef l-użu obbligatorju ta' tagħmir diġitali abbord bħal takografi intelliġenti u l-użu ta' noti ta' konsenja elettronika (e-CMR) biex jitjieb il-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli tal-UE rilevanti, filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi;

11.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tarmonizza aktar ir-regoli eżistenti għat-tagħmir ta' sigurtà obbligatorju f'vetturi ħfief u heavy-duty bħal trijangoli ta' twissija, ġgieget riflettivi, lampi żejda jew strumenti għat-testijiet tal-livell tal-alkoħol;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibilitajiet li tnaqqas il-piżijiet burokratiċi u finanzjarji ta' leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti sabiex tiffaċilita l-libertà tal-forniment ta' servizzi tat-trasport fl-UE kollha;

13.

Jenfasizza li sistema koerenti, ġusta, trasparenti, nondiskriminatorja u mhux burokratika għall-pedaġġ tat-toroq implimentata fl-UE u proporzjonata għall-użu tat-triq u għall-ispejjeż esterni ġġenerati minn trakkijiet, xarabankijiet u karozzi (il-prinċipji “l-utent iħallas” u “min iniġġes iħallas”), ikollhom effett pożittiv fl-indirizzar tal-istat li qed jiddeterjora tal-infrastruttura tat-toroq, il-konġestjoni u t-tniġġis; jistieden lill-Kummissjoni toħloq qafas li se jiżgura n-non-diskriminazzjoni u jevita skemi ta' pedaġġ frammentati għall-karozzi tal-passiġġieri madwar l-UE;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS), li jenħtieġ li tinkludi element tal-kost estern abbażi tal-prinċipju “min iniġġes iħallas”, li tkun kompletament interoperabbli bl-għan li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' standards tekniċi armonizzati tal-UE tal-ġbir ta' pedaġġi, tkun ibbażata fuq it-trasparenza, l-iżvilupp u l-integrazzjoni aħjar tat-tagħmir ITS differenti installat fil-vetturi kif ukoll aktar kjarifiki dwar il-leġiżlazzjoni sabiex tiddefinixxi aħjar u tħares id-drittijiet tal-fornituri tas-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku u tagħmel l-obbligi tagħhom anqas onerużi;

15.

Iqis li l-Istati Membri fil-periferija u l-pajjiżi li ma jkollhom ebda alternattiva reali għat-trasport bit-triq għandhom aktar diffikultajiet biex jilħqu l-qalba tas-suq intern tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fl-inizjattivi fis-settur tat-toroq tagħha mekkaniżmu biex itaffi l-pedaġġi appoġġjati minn operazzjonijiet tat-trasport bit-triq mill-periferija;

16.

Jissottolinja li l-vetturi mikrija normalment ikunu l-aktar ġodda u l-aktar nodfa fis-suq, u b'hekk jikkontribwixxu għall-effiċjenza tas-settur tat-trasport bit-triq; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tirrieżamina r-regoli attwali dwar vetturi mikrija, li bħalissa jippermettu lill-Istati Membri jipprojbixxu l-użu ta' tali vetturi għal operazzjonijiet ta' trasport internazzjonali;

17.

Huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' infurzar minn awtoritjiet nazzjonali fir-rigward tal-frodi li jikkonċerna t-takografi u l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dawn il-problemi, fost l-oħrajn, permezz tal-użu ta' teknoloġiji ġodda, is-simplifikazzjoni u l-kjarifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' kabotaġġ u skambju mtejjeb ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet bl-għan ta' infurzar aħjar tar-regoli madwar l-UE u monitoraġġ aħjar ta' operazzjonijiet ta' kabotaġġ;

18.

Huwa tal-fehma li jenħtieġ li r-rekwiżiti leġiżlattivi jkunu proporzjonati man-natura tan-negozju u mad-daqs tal-kumpanija; iqajjem, madankollu, tħassib dwar jekk għadx hemm raġunijiet għall-eżenzjoni tal-vetturi kummerċjali ħfief (LCVs) mill-applikazzjoni ta' għadd ta' regoli Ewropej, minħabba l-użu dejjem akbar tal-vetturi kummerċjali ħfief fit-trasport internazzjonali tal-merkanzija, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dijanjostiku dwar l-impatt ekonomiku, ambjentali u ta' sikurezza konsegwenti ta' dan l-użu dejjem akbar;

19.

Jenfasizza li jenħtieġ li l-mobilità transfruntiera fit-toroq li tikkonċerna pajjiżi ġirien fil-proċess ta' adeżjoni tiġi faċilitata b'armonizzazzjoni aħjar tal-istandards għall-infrastruttura tat-toroq, tagħmir tas-sinjali u sistemi elettroniċi, biex b'hekk tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-konġestjoni, speċjalment fuq in-netwerk ewlieni tat-TEN-T;

It-titjib tal-kundizzjonijiet soċjali u tar-regoli ta' sikurezza

20.

Jissottolinja li jenħtieġ li l-libertà ta' forniment ta' servizzi tat-trasport fl-UE kollha ma tiġġustifika l-ebda ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u ma ddgħajjifx il-leġiżlazzjoni eżistenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, bħall-perjodi ta' mistrieħ, mudelli ta' xogħol, perjodi 'l bogħod mill-bażi lokali, aċċess għall-ħiliet, taħriġ għat-titjib u żvilupp tal-karriera, saħħa u sikurezza, kura u assistenza soċjali, u r-rati minimi ta' ħlas;

21.

Iqis li huwa tal-akbar importanza li jfakkar lill-Kummissjoni dwar l-impenji tagħha stess magħmula fil-proposta għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari fir-rigward ta':

impjieg sigur u adattabbli, il-prinċipju 5d: “Għandhom jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għall-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż bil-projbizzjoni ta' abbuż ta' kuntratti atipiċi. Kwalunkwe perjodu ta' probation għandu jkun b'tul ta' żmien raġonevoli”;

pagi ġusti, il-prinċipju 6a: “Il-ħaddiema għandhom id-dritt għal pagi ġusti li jipprovdu għal standard ta' għajxien deċenti”;

ifakkar li kwalunkwe inizjattiva magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tat-trasport bit-triq ma tridx tmur kontra dan il-prinċipju u lanqas ma trid tipperikola d-drittijiet tal-ħaddiema f'dan is-settur;

22.

Jinsab imħasseb dwar prattiki ta' negozju soċjalment problematiċi li jippreżentaw ukoll riskju f'termini ta' sikurezza tat-triq, relatati prinċipalment mar-regoli tal-kabotaġġ u l-hekk imsejħa “kumpaniji tal-isem” (fi kwistjonijiet partikolari li jikkonċernaw impjieg indipendenti moħbi u prattiki deliberatament abbużivi jew ċirkomvenzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali eżistenti li jippermettu l-iżvilupp ta' kompetizzjoni inġusta billi b'mod illegali jnaqqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż tax-xogħol u l-ispejjeż operattivi u li jwasslu għal ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema, li jinħolqu bħala konsegwenza ta' nuqqas ta' ċarezza tar-regoli Ewropej u l-interpretazzjonijiet u l-prattiki ta' infurzar varji fil-livell nazzjonali);

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina r-rekwiżiti dwar id-dritt ta' stabbiliment sabiex jiġu eliminati l-kumpaniji tal-isem fis-settur tat-trasport bit-triq;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'urġenza, jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-għeja tas-sewwieq, inkluż l-iżgurar li kwalunkwe investiment fl-infrastruttura tat-triq jinkludi titjib tal-faċilitajiet għas-sewwieqa, speċjalment fuq distanzi twal, u li l-leġiżlazzjoni dwar waqfiet ta' mistrieħ tiġi rispettata bis-sħiħ;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara r-regoli dwar il-kabotaġġ u r-regoli li jirregolaw l-aċċess għall-impjieg fit-trasport bit-triq, u biex ittejjeb l-implimentazzjoni tagħhom, sabiex jindirizzaw b'mod effettiv il-frodi u l-abbuż;

26.

Jirrifjuta kwalunkwe liberalizzazzjoni ulterjuri tal-kabotaġġ, b'mod partikolari operazzjonijiet illimitati ta' kabotaġġ fi żmien ċertu għadd ta' jiem;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema fis-settur tat-trasport bit-triq u biex ittejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħhom;

28.

Jenfasizza li l-Ewropa qed tiffaċċja nuqqas ta' sewwieqa professjonali u dan jirriżulta miż-żieda fid-domanda għas-servizzi tat-trasport, l-iżvilupp mgħaġġel tal-kummerċ internazzjonali u s-sitwazzjoni demografika; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess ta' rġiel u nisa żgħażagħ għall-professjoni u tindirizza l-problema ta' kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol għas-sewwieqa kif ukoll in-nuqqas ta' infrastruttura tat-toroq ta' kwalità;

29.

Jirrileva li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet u d-drittijiet soċjali fis-settur tat-trasport bit-triq fl-Unjoni joħolqu ostakoli amministrattivi konsiderevoli u sproporzjonati għall-operaturi, b'mod speċjali l-SMEs, iżidu l-kumplessità tal-qafas legali u jimminaw l-istabbiliment ta' suq intern fis-settur tat-trasport bit-triq fl-UE u jwasslu għal ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi u l-oġġetti;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposti għall-inizjattivi fis-settur tat-toroq li se jsiru dalwaqt li jippermettu li ssir distinzjoni aktar effikaċi bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà tal-istabbiliment, bl-għan li jiġi żgurat li l-attivitajiet ta' negozju jkunu ta' natura temporanja fi Stat Membru li fih kumpanija ma tkunx stabbilita u biex jiġi żgurat li l-impjegati jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn għandhom il-post tax-xogħol abitwali tagħhom jew fejn iwettqu l-parti l-kbira tal-attività professjonali tagħhom;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-kwalità tax-xogħol fis-settur tat-trasport bit-triq, partikolarment fir-rigward tat-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iżvilupp tal-karriera, bil-ħsieb li jinħolqu impjiegi ta' kwalità, jiġu żviluppati l-ħiliet neċessarji u tissaħħaħ il-kompetittività tal-operaturi tat-trasport bit-triq tal-UE sabiex issir aktar attraenti għaż-żgħażagħ filwaqt li jiffokaw ukoll fuq l-iżgurar ta' bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għas-sewwieqa;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva 92/106/KEE dwar it-Trasport Ikkombinat bl-għan li jiżdied it-trasport multimodali u jiġu eliminati l-prattiki inġusti u tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni soċjali relatata mat-trasport ikkombinat;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħolqien ta' “fajl elettroniku u integrat tal-operatur” għall-operaturi kollha li joperaw fil-qafas tal-liċenzja Komunitarja, bl-għan li tinġabar id-data rilevanti kollha dwar il-karriera, il-vettura u s-sewwieq li tkun inġabret waqt il-kontrolli fit-triq;

34.

Jissottolinja li s-sistema ta' faċilitajiet ta' mistrieħ fl-UE hija insuffiċjenti u inadegwata; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni biex jistabbilixxu pjan għall-bini/forniment ta' kapaċità u ta' żoni ta' mistrieħ ta' użu faċli għall-utent, sikuri u siguri b'għadd suffiċjenti ta' postijiet ta' parkeġġ, faċilitajiet sanitarji, u lukandi ta' tranżitu, speċjalment f'punti/ċentri strateġiċi fejn jistgħu jiġu osservati volumi kbar ta' traffiku;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw kwistjonijiet attwali ta' imprattiċità marbuta mas-sewqan u mal-ħinijiet ta' mistrieħ, jiġifieri, il-fatt li huma komuni sitwazzjonijiet fejn is-sewwieqa jiġu furzati jistrieħu għal għadd ta' sigħat minkejja li jkunu biss ftit kilometri 'l bogħod mill-bażi tas-servizz jew mill-post tar-residenza tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tqis dan meta tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw mira għall-UE kollha għat-tnaqqis ta' korrimenti serji tat-traffiku;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel studju xjentifiku fl-UE kollha dwar l-effetti tal-għeja tas-sewwieqa fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u t-trasport tal-merkanzija bil-van kif ukoll bit-trakk;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex mingħajr dewmien tibda reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 661/2009 dwar is-Sikurezza Ġenerali u sabiex tal-anqas jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol tat-teknoloġiji u l-istandards ġodda, inklużi reġistraturi ta' data ta' emerġenza, standards ta' viżjoni diretta, assistenza intelliġenti tal-indikazzjoni ta' ħruġ mill-karreġġata u ta' monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers;

39.

Jenfasizza l-ħtieġa li titjieb is-sikurezza fit-toroq tal-UE u jintlaħaq l-objettiv li jitnaqqas bin-nofs in-numru ta' mwiet u korrimenti serji sal-2020; jappoġġja l-valutazzjoni tal-impatt użata mill-Kummissjoni f'rieżami tal-qafas leġiżlattiv għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq;

Il-promozzjoni tat-trasport bit-triq b'emissjonijiet baxxi

40.

Jiddikjara li hemm ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi tat-trasport bit-triq u r-rwol tagħha f'netwerk tat-trasport sinkromodali modern, bl-għan li jkun hemm użu aktar effiċjenti tal-kapaċitajiet eżistenti, li tittejjeb ir-rata ta' okkupanza ta' vetturi, li jiġi promoss l-użu ta’ vetturi tal-passiġġieri iżgħar u eħfef, tal-car sharing u l-car pooling, kif ukoll it-tnaqqis minn erba' roti għal tnejn; iqis id-diġitalizzazzjoni bħala element ewlieni biex tintlaħaq il-mira ta' effiċjenza mtejba fl-użu tar-riżorsi;

41.

Jenfasizza li sabiex ikun hemm konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 (COP21) dwar it-tibdil fil-klima, jenħtieġ li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u t-titjib fil-kwalità tal-arja jinkisbu permezz tal-promozzjoni tal-elettromobilità, iċ-ċelloli tal-fjuwil u strumenti oħra avvanzati ta' sistemi ta' propulsjoni, b'mod partikolari dawk li fihom l-Ewropa għandha vantaġġ teknoloġiku kbir;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti ambizzjużi għal standards tas-CO2 għat-trakkijiet u x-xarabankijiet, b'mod li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra mis-settur tat-trasport bit-triq; jitlob lill-Kummissjoni tistudja aktar l-opportunitajiet biex tiġi aċċelerata l-bidla lejn trasport b'emissjonijiet baxxi billi ddaħħal inċentivi għall-modifiki;

43.

Jitlob miżuri konkreti li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prinċipji “l-utent iħallas” u “min iniġġes iħallas” fit-trasport bit-triq, inklużi l-linji gwida u l-aħjar prattiki, u biex kundizzjonijiet ekwi ġusti jiġu żgurati fir-reġjuni kollha tal-UE;

44.

Jissottolinja li r-rieżami tad-Direttiva dwar is-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS) jista' jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' vetturi aktar nodfa u kondiviżi;

45.

Jenfasizza l-importanza kbira ta' infrastruttura xierqa għall-użu ta' karburanti alternattivi għat-trasport bit-triq, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu mudelli ta' inċentivi biex jitlesta n-netwerk ta' provvista għal karburanti alternattivi;

46.

Jappella biex isir monitoraġġ effikaċi tal-oqfsa ta' politika nazzjonali biex jiġi stimolat użu akbar ta' vetturi li jużaw karburanti alternattivi (eż. elettriku, ibridu, idroġenu, gass naturali kkumpressat), u jitlob li jkun hemm tnedija rapida tal-infrastruttura ta' riforniment ta' karburnat/iċċarġjar tal-batteriji meħtieġa;

47.

Jirrikonoxxi li l-vetturi tat-trasport bit-triq u l-infrastruttura innovattivi u b'emissjonijiet baxxi se jassistu biex jiffaċilitaw l-iskambji u r-rabtiet bejn it-toroq, il-ferroviji u l-portijiet, u b'hekk se titħħeġġeġ ċaqliqa ġenerali lejn forom ta' trasport aktar ekoloġiċi għall-individwi, il-passiġġieri u l-merkanzija;

48.

Jemmen li l-car pooling u l-car sharing jikkostitwixxu riżorsa ewlenija għall-iżvilupp sostenibbli ta' konnessjonijiet, fost l-oħrajn, f'reġjuni ultraperiferiċi, muntanjużi u rurali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jiffaċilitaw il-ħolqien ta' mudelli ta' ekonomija kollaborattiva f'dan il-qasam;

49.

Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-introduzzjoni f'għadd ta' Stati Membri ta' żoni b'emissjonijiet baxxi, u teżamina l-possibilità li tistabbilixxi kriterji/regoli komuni għall-introduzzjoni/il-funzjonament ta' dawn iż-żoni;

50.

Jinnota li s-sistemi ta' trasport intelliġenti (ITS), bħal sistemi tat-trasport intelliġenti kooperattivi (C-ITS) u innovazzjonijiet bħal e-highway (trakkijiet elettrifikati b'teknoloġija trolley) u l-platooning, jista' jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-effiċjenza, is-sikurezza u l-prestazzjoni ambjentali tas-sistema ta' trasport; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tistimola l-iżvilupp u l-użu tas-sistemi ITS u tippromwovi l-innovazzjonijiet;

51.

Jinnota li l-livelli tal-vjaġġi mingħajr tagħbija għadhom għoljin fl-attivitajiet tat-trasport bit-triq, u dan iħalli impatt negattiv fuq l-ambjent; ifakkar li, fl-2012, kważi kwart (23,2 %) ta' kull vettura-km ta' vetturi li jġorru merkanzija tqila fl-UE kienu involvew vettura vojta, u li l-livell għoli ta' vjaġġi mingħajr tagħbija huwa kkawżat mir-restrizzjonijiet attwali dwar l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ li qed jillimitaw it-trasportaturi fiż-żieda ulterjuri tat-tagħbijiet tal-merkanzija u għalhekk fl-effikaċja ambjentali tagħhom; jenfasizza, għalhekk, l-impatt pożittiv tal-ftuħ tas-suq fuq l-effiċjenza ambjentali tat-trasport bit-triq;

52.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-ħsieb li jiġi dekarbonizzat is-settur tat-trasport bit-triq, iħaffu t-tranżizzjoni mill-vetturi tat-triq tradizzjonali li jaħdmu permezz tal-karburanti fossili, għall-vetturi sostenibbli li jaħdmu permezz tal-elettriku, bħal dawk li jużaw ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu;

53.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna l-manwal tagħha dwar spejjeż esterni mit-trasport, inkluż data ġdida dwar l-emissjonijiet reali tas-sewqan kif ukoll il-ħsara ekonomika u soċjali minħabba t-tibdil fil-klima;

54.

Jenfasizza l-fatt li jenħtieġ li l-għanijiet stabbiliti biex issir it-tranżizzjoni lejn enerġiji alternattivi u rinovabbli għat-trasport bit-triq jinkisbu permezz ta' taħlita ta' forom differenti ta' enerġija u l-metodi eżistenti għall-iffrankar tal-enerġija; jinnota li din it-tranżizzjoni tirrikjedi inċentivi korrispondenti u li jenħtieġ li l-għanijiet ta' tnaqqis jiġu formulati b'mod teknoloġikament newtrali;

55.

Jinnota li l-karburanti alternattivi, inklużi, iżda mhux limitati għal, gass naturali kompressat, gass naturali likwifikat u bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni, jistgħu jiġu użati biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni;

o

o o

56.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42.

(2)  ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35.

(3)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51.

(5)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72.

(6)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88.

(7)  ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1.

(8)  Testi adottati, P8_TA(2015)0310.

(9)  Testi adottati, P8_TA(2017)0009.

(10)  Testi adottati, P8_TA(2016)0455.

(11)  ĠU L 68, 13.3.2015, p. 9.

(12)  Testi adottati: P8_TA(2016)0346.

(13)  Sors: EU Transport in Figures 2016, ibbażat fuq l-Eurostat.

(14)  Sors: EU Transport in Figures 2016, ibbażat fuq l-Eurostat.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/131


P8_TA(2017)0229

Il-kamp tar-rifuġjati ta’ Dadaab

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab (2017/2687(RSP))

(2018/C 307/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Nairobi tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) fl-Afrika tal-Lvant tal-25 ta' Marzu 2017 dwar soluzzjonijiet dejjiema għar-rifuġjati Somali u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni rimpatrijati lejn is-Somalja,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York tan-NU għar-Rifuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Tripartitika Ministerjali għar-Rimpatriju Volontarju ta' Rifuġjati Somali li jgħixu fil-Kenja, maħruġa fil-25 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra l-eżitu tas-summit tal-UE tal-11 u t-12 ta' Novembru 2015 fil-Belt Valletta dwar il-migrazzjoni,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-Proċess ta' Khartoum (Inizjattiva dwar ir-Rotta tal-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Qarn tal-Afrika), li saret f'Ruma fit-28 ta' Novembru 2014,

wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku dwar Rimpatriji Volontarji ffirmat fl-10 ta' Novembru 2013 mill-Gvernijiet tas-Somalja u tal-Kenja u l-UNHCR,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri tal-Kenja tad-9 ta' Frar 2017 kontra l-għeluq tal-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Kenja li jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri tad-9 ta' Frar 2017,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliema tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, il-Kummissarju tal-UE għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, Neven Mimica u l-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja, Christos Stylianides dwar id-deċiżjoni tal-Gvern Kenjan tal-20 ta' Mejju 2016, li jagħlaq il-kampijiet tar-rifuġjati ta' Dadaab,

wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika,

wara li kkunsidra l-Patt Dinji tan-NU dwar il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għar-rifuġjati,

wara li kkunsidra l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), Programm Indikattiv Nazzjonali tas-Somalja u l-Afrika tal-Lvant,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi r-reġjun tal-Qarn tal-Afrika, li għandu popolazzjoni ta' kważi 250 miljun abitant u li qed tikber b'rata mgħaġġla, jospita l-ikbar numru fl-Afrika u fid-dinja ta' rifuġjati u persuni spostati internament; billi r-reġjun qed iħabbat wiċċu mal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, spostament furzat, traffikar tal-bnedmin, kuntrabandu tal-persuni, terroriżmu u kunflitti vjolenti;

B.

billi fil-bażi ta' dawn l-isfidi hemm għadd kbir ta' fatturi li jvarjaw skont il-kuntesti lokali, iżda li ta' spiss għandhom l-għeruq tagħhom fin-nuqqas ta' governanza tajba u ta' opportunitajiet soċjoekonomiċi, il-faqar estrem, l-instabbiltà u t-tibdil fil-klima;

C.

billi l-kumpless tar-rifuġjati ta' Dadaab ġie stabbilit fl-1991 bħala soluzzjoni temporanja għal dawk li kienu qed ifittxu kenn u li kienu qed jaħarbu minn persekuzzjoni, vjolenza u instabbiltà fir-reġjun tal-Afrika tal-Lvant, u b'mod partikolari għal dawk li kienu qed jaħarbu mill-gwerra ċivili fis-Somalja; billi l-kumpless attwalment fih ħames kampijiet differenti ta' popli differenti, u jkopri medda art ta' 50 kilometru kwadru, filwaqt li l-kampijiet ta' Hagadera, Dagahaley u Ifo huma l-eqdem u l-aktar popolati;

D.

billi minkejja l-fatt li Dadaab kien maħsub biex jospita madwar 90 000 ruħ, skont l-istimi tan-NU attwalment il-kamp għandu popolazzjoni ta' madwar 260 000, li 95 % minnhom joriġinaw mis-Somalja u 60 % għandhom inqas minn 18-il sena; billi f'Mejju 2016 il-Kenja xoljiet id-dipartiment tagħha għall-affarijiet tar-rifuġjati, li kien responsabbli għar-reġistrazzjoni, li jfisser li għexieren ta' eluf ta' persuni ma ġewx irreġistrati, sitwazzjoni li tista' fil-fatt iżżid dawn in-numri ulterjorment;

E.

billi r-rifuġjati fil-kamp huma fir-riskju tal-vjolenza, filwaqt li n-nisa u t-tfal huma partikolarment vulnerabbli;

F.

billi għal aktar minn żewġ deċennji s-Somalja ġiet affettwata minn instabbiltà severa u n-nuqqas ta' strutturi statali, li l-impatt tagħhom ġie multiplikat permezz ta' riskji naturali rikorrenti marbuta mat-tibdil fil-klima; billi dawn il-kwistjonijiet sfidaw ir-reżiljenza u l-kapaċità tal-komunitajiet l-aktar vulnerabbli tas-Somalja biex jissopravvivu, u saru l-kawżi ewlenin tal-ispostamenti ġewwa s-Somalja u lejn pajjiżi ġirien;

G.

billi wara tliet deċennji s-sitwazzjoni tar-rifuġjati Somali hija fost l-aktar imtawla fid-dinja, bit-tielet ġenerazzjoni ta' rifuġjati mwielda fl-eżilju; billi kważi miljun Somalu huma spostati fir-reġjun, u aktar minn 1,1 miljun ruħ oħra ġew spustati ġewwa s-Somalja nnifisha;

H.

billi s-Somalja kienet waħda mill-ħames pajjiżi li pproduċew l-akbar għadd ta' rifuġjati fid-dinja matul dawn l-aħħar 15-il sena, b'1,1 miljun rifuġjat irreġistrati attwalment, li minnhom aktar minn 80 % huma ospitati fir-reġjun tal-Qarn tal-Afrika u l-Jemen; billi l-amministrazzjoni tas-Somalja ripetutament esprimiet ir-rieda li tirċievi ċ-ċittadini tagħha; billi l-Kenja bħalissa qed tospita madwar 500 000 rifuġjat, u l-għadd qed ikompli jiżdied minħabba nuqqas ta' sigurtà dejjem tikber fir-reġjun, b'mod partikolari fis-Sudan t'Isfel;

I.

billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Somalja għadha perikoluża u imprevedibbli u l-attakki minn al-Shabaab u gruppi armati u terroristiċi oħra għadhom għaddejjin; billi fis-6 ta' April 2017, il-President Mohamed Abdullahi 'Farmajo' ddikjara li s-Somalja kienet żona ta' gwerra u offra amnestija lill-membri tal-grupp militanti Iżlamista al-Shabaab, inkluż taħriġ, impjieg u edukazzjoni, jekk kienu lesti jċedu l-armi tagħhom fi żmien 60 jum;

J.

billi r-reġjun kollu tal-Afrika tal-Lvant qed jesperjenza nixfa qawwija, u ġiet iddikjara karestija f'partijiet tas-Sudan t'Isfel, u miljun persuna jinsabu mhedda; billi nħarġet twissija ta' qabel il-karestija għas-Somalja, li qed tħabbat wiċċha mat-tielet karestija f'25 sena, waqt li l-gvern irrapporta li 6,2 miljun ruħ jeħtieġu assistenza alimentari ta' emerġenza; billi l-President tal-Kenja, Uhuru Kenyatta, iddikjara li n-nixfa fil-pajjiż hi diżastru nazzjonali, u li 2,7 miljun ruħ qed iħabbtu wiċċhom ma' nuqqas kbir ta' ikel; billi hu mistenni li s-sitwazzjoni x'aktarx li tiddeterjora fl-Etjopja, il-Kenja, is-Somalja u l-Jemen, u tista' twassal għal karestija mifruxa;

K.

billi skont in-Nazzjonijiet Uniti, in-nixfa fis-Somalja ħolqot spostamenti interni addizzjonali, u minn Novembru 2016 'l hawn, aktar minn 683 000 ruħ kienu mġiegħla jħallu djarhom; billi madwar 250 000 ruħ mietu matul l-aħħar karestija fl-2011;

L.

billi fis-6 ta' Mejju 2016, il-Gvern Kenjan ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jagħlaq Dadaab “bl-inqas dewmien possibbli”, għal raġunijiet ta' tħassib dwar is-sigurtà u l-bżonn li tintemm is-sitwazzjoni mtawla tar-rifuġjati fir-reġjun; billi, madankollu, fit-30 ta' Novembru 2016 il-Gvern Kenjan ħabbar l-għeluq tal-kamp ta' Dadaab sa Mejju 2017; billi, mis-summit tal-IGAD tal-25 ta' Marzu 2017, l-isforzi kollha issa huma ffukati fuq l-importanza li tinstab soluzzjoni reġjonali u sostenibbli għar-rifuġjati Somali;

M.

billi l-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, esprimiet li tifhem it-tħassib tal-Gvern tal-Kenja u r-raġunijiet għall-għeluq tal-kamp, iżda enfasizzat ukoll li kwalunkwe rimpatriju lejn is-Somalja jrid isir f'konformità ma' standards internazzjonali, li jrid ikun volontarju u infurmat, u li l-persuni rimpatrijati jrid ikollhom aċċess għal informazzjoni oġġettiva, newtrali u pertinenti, li r-rimpatriji jridu jsiru b'mod sikur, dinjituż u sostenibbli, u li l-persuni rimpatrijati jridu jkunu konxji ta' x'jiġri jekk jiddeċiedu li ma jivvolontarjawx;

N.

billi, fid-9 ta' Frar 2017, il-Qorti Superjuri Kenjana ddeċidiet, b'rispons għal petizzjoni minn żewġ organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kenja – il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Kenja għad-Drittijiet tal-Bniedem u Kituo Cha Sheria – li l-ordnijiet tal-Gvern tal-Kenja li jagħlaq il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab kienu diskriminatorji u jammontaw għal kastig kollettiv, filwaqt li huma wkoll eċċessivi, arbitrarji u sproporzjonati;

O.

billi d-diskussjoni dwar l-għeluq ta' Dadaab dawritilna ħarsitna fuq il-pass kajman tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Tripartitiku ffirmat mill-UNHCR u l-Gvernijiet tal-Kenja u s-Somalja fl-2013 bl-għan li jwettaq ir-rimpatriji volontarji ta' persuni Somali lejn żoni stabbli tas-Somalja, kwistjoni li ġiet ikkritikata apertament mill-Gvern Kenjan u partijiet interessati oħra;

P.

billi minn meta l-UNHCR bdiet tappoġġja r-rimpatriju volontarju tar-rifuġjati Somali fl-2014, madwar 65 000 persuna ġew rimpatrijati, iżda l-għan li tiżdied ir-rata ta' rimpatriji sostenibbli se jiddependi fuq is-sitwazzjoni fis-Somalja;

Q.

billi lejn l-aħħar ta' Awwissu 2016, l-awtoritajiet Somali f'Jubaland issospendew ir-rimpatriji lejn il-kapitali reġjonali, Kismaayo, wara li ħabbtu wiċċhom ma' influss ta' rifuġjati; billi, skont l-UNHCR, madwar 70 % tal-persuni rimpatrijati huma tfal;

R.

billi l-għeluq ta' Dadaab se jkollu riperkussjonijiet f'pajjiżi ġirien oħra, bħal pereżempju l-Etjopja, li bħalissa qed tospita madwar 245 000 rifuġjat mis-Somalja, u dan jista' jagħti lok għal influss ġdid; billi din is-sitwazzjoni turi n-natura interkonnessa tal-kwistjonijiet relatati mar-rifuġjati, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-istabbiltà, u tenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni reġjonali msaħħa sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, anki fid-dawl tad-deċiżjoni li jingħalaq il-kamp ta' Dadaab;

S.

billi għal ħafna rifuġjati, speċjalment dawk minn żoni rurali, il-prospett ta' rimpatriju jiddependi fuq il-ħila tagħhom li jieħdu lura l-art tagħhom f'pajjiż fejn is-sistema tal-pussess tal-art hija dgħajfa u l-iżgumbramenti furzati huma komuni;

T.

billi l-komunità ospitanti usa' ta' Dadaab uriet umanità, ġenerożità u tolleranza enormi fil-konfront tal-eżistenza tal-kamp, iżda qed tiffaċċja sfidi kbar fuq il-livell ekonomiku, ambjentali u ta' żvilupp;

U.

billi d-donaturi kellhom biex jixħtu l-attenzjoni tagħhom fuq kunflitti oħra u jnaqqsu n-nefqa tagħhom minħabba n-natura mtawla tas-sitwazzjoni f'Dadaab, u dan ifisser li r-rifuġjati fil-kamp qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi;

V.

billi t-tibdil fil-klima b'mod partikolari qed ikollu devastanti fuq l-istil ta' ħajja pastorali nomadiku, li huwa l-mezz tal-għajxien ta' għadd kbir ta' nies fir-reġjun, li qegħdin ukoll iħabbtu wiċċhom ma' theddidiet dejjem jikbru li jġibu magħhom in-nixfa, il-mard, il-gwerer u t-tnaqqis fl-għadd ta' bhejjem, fost problemi oħra;

W.

billi l-UE allokat EUR 286 miljun permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għall-perjodu 2014-2020, b'enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-“Patt” u fuq il-bini tal-istat u tal-paċi, is-sigurtà tal-ikel, ir-reżiljenza u l-edukazzjoni b'mod partikolari; billi l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika (EUTF) ġie ffirmat waqt is-Summit ta' Valletta fit-12 ta' Novembru 2015, u kien imfassal biex jindirizza l-kawżi bażiċi tad-destabilizzazzjoni, l-ispostament furzat tal-popolazzjonijiet u l-migrazzjoni irregolari billi jiġu promossi r-reżiljenza, l-opportunitajiet ekonomiċi, l-opportunitajiet indaqs, is-sigurtà u l-iżvilupp; billi l-UE qed tirreaġixxi għall-bżonnijiet bażiċi li jsalvaw il-ħajja tar-rifuġjati ospitati f'kampijiet tar-rifuġjati fil-Kenja;

X.

billi l-UE hija impenjata li tappoġġa l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana għas-Somalja (AMISOM) permezz tal-għoti ta' finanzjament biex tkun ipprovduta sigurtà u biex jitnaqqas it-theddid li jirrappreżentaw il-grupp Al-Shabaab u gruppi oħra tal-oppożizzjoni armata; billi fit-23 ta' Marzu 2017 il-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana sejħet laqgħa ta' konsultazzjoni ta' livell għoli, fil-preżenza tal-UE u n-NU, dwar il-futur tal-AMISOM u l-appoġġ għall-istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà u r-riforma fis-Somalja; billi fil-11 ta' Mejju 2017 l-UE ħabbret appoġġ ġdid ta' EUR 200 miljun għas-Somalja fil-Konferenza ta' Londra dwar is-Somalja;

Y.

billi wara l-Ordni Eżekuttiva tal-President Trump tal-Istati Uniti tas-27 ta' Jannar 2017, madwar 3 000 rifuġjat, li kellhom jiġu risistemati fl-Istati Uniti mill-Kenja fl-2017, il-parti l-kbira minnhom minn Dadaab, wara li l-biċċa l-kbira minnhom kienu diġà ġew skrinjati b'mod rigoruż minn uffiċjali tal-Istati Uniti u tan-NU u wara li kienu stennew sa 10 snin għall-approvazzjoni tar-risistemazzjoni tagħhom, qed jiffaċċaw futur inċert;

Z.

billi l-isforzi tal-UE għar-risistemazzjoni għandhom jiżdiedu biex jaqblu mal-isforzi ta' pajjiżi terzi bħall-Awstralja jew il-Kanada, sabiex jilħqu dak li l-UNHCR iqis li hu meħtieġ sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta ta' rifuġjati madwar id-dinja;

AA.

billi l-pjan ta' azzjoni globali ta' Nairobi adottat waqt is-summit tal-IGAD tal-25 ta' Marzu 2017 enfasizza n-nixfa u l-konflitt armat b'mod partikolari bħala r-raġunijiet għall-ispostament tan-nies fir-reġjun;

AB.

billi wara l-missjoni ta' valutazzjoni elettorali tal-UE lill-Kenja, ġie rrakkomandat li missjoni tal-UE ta' osservazzjoni elettorali għall-elezzjonijiet ġenerali f'Awwissu 2017 tkun siewja u effettiva;

1.

Ifaħħar lill-Kenja u r-reġjun lokali ta' Dadaab għar-rwol li żvolġew fl-ospitar ta' għadd mingħajr preċedent ta' rifuġjati tul perjodu daqstant twil; jenfasizza l-fatt, madankollu, li s-sitwazzjoni attwali fir-reġjun hija insostenibbli u teħtieġ rispons effiċjenti u kkoordinat min-naħa tal-gvernijiet tar-reġjun u l-komunità internazzjonali b'mod ġenerali, inkluża l-UE, sabiex tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kwistjoni tar-rifuġjati Somali, flimkien ma' sforzi biex tiżdied is-sigurtà u biex jiġi stabbilit żvilupp soċjoekonomiku fit-tul fir-reġjun;

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni ta' Nairobi tal-IGAD dwar soluzzjonijiet dejjiema għar-rifuġjati Somali u l-integrazzjoni mill-ġdid ta' persuni rimpatrijati fis-Somalja; jilqa' l-impenn biex jinkiseb approċċ reġjonali komprensiv, filwaqt li fl-istess ħin tinżamm il-protezzjoni u tkun promossa l-awtonomija fil-pajjiżi tal-asil, li għandu jitwettaq bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali u b'konsistenza mal-kondiviżjoni internazzjonali tar-responsabbiltà kif deskritta fil-Qafas ta' Rispons Komprensiv għar-Rifuġjati (CRRF) tad-Dikjarazzjoni ta' New York;

3.

Jiddispjaċih dwar iċ-ċokon tar-rwol li żvolġew l-Istati Membri tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-isforzi għar-risistemazzjoni ta' rifuġjati minn Dadaab, u jistieden lill-UE twettaq ir-responsabbiltà tagħha biex tiżgura kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet;

4.

Jirrimarka li sakemm għad hemm l-instabbiltà fir-reġjun usa' u fid-dawl ta' riskju mġedded ta' karestija, ir-rifuġjati mhux se jkunu jistgħu jmorru lura fi djarhom; jitlob, għalhekk, lill-UE biex iżżomm l-iżvilupp fit-tul bħala l-objettiv primarju tagħha u biex terġa' tirdoppja l-isforzi tagħha biex tieħu sehem u taqdi rwol ta' medjatur fir-reġjun sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi sottostanti ekonomiċi, politiċi, ambjentali u tas-sigurtà, li huma l-kawżi prinċipali tal-faqar estrem, l-attività kriminali, ir-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu u li fl-aħħar mill-aħħar qed jikkawżaw is-sitwazzjoni tar-rifuġjati;

5.

Jenfasizza l-fatt li fl-aħħar mill-aħħar se jkun meħtieġ rispons reġjonali biex tingħata protezzjoni kontinwa lil 260 000 rifuġjat Somalu; ifakkar li l-integrazzjoni mill-ġdid sostenibbli tal-persuni rimpatrijati tirrikjedi approċċ olistiku u msejjes fuq il-komunità sabiex tittejjeb il-kapaċità ta' assorbiment u jkun hemm aċċess aħjar għas-servizzi għal persuni rimpatrijati, persuni spostati internament u komunitajiet lokali fis-Somalja;

6.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni globali u reġjonali ta' Nairobi, li jipprevedi għeluq progressiv tal-kampijiet biex ir-rifuġjati jingħataw aċċess għall-impjieg u s-servizzi fil-pajjiż ospitanti tagħhom u biex ikunu jistgħu jiċċaqilqu liberament; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' azzjoni konkreta dwar Dadaab; jappoġġja l-ħolqien ta' fond reġjonali għad-donaturi;

7.

Iqis li minħabba ċ-ċirkostanzi attwali ta' problemi tas-sigurtà kontinwi fis-Somalja u riskju kbir ta' karestija, fi kwalunkwe xenarju, jenħtieġ li r-rimpatriji dejjem ikunu volontarji; jitlob li jkun hemm aktar kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet fir-rigward tal-ospitar tar-rifuġjati u l-ħolqien ta' metodi addizzjonali biex ir-rifuġjati jiġu megħjuna jkollhom aċċess għal pajjiżi terzi, inkluża l-UE;

8.

Itenni l-appoġġ tiegħu għall-għanijiet tal-EUTF għall-Afrika, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati fir-reġjuni tal-Afrika tal-Lvant; jitlob li l-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom lejn il-Fond; jitlob lill-Kummissjoni, madankollu, biex iżżid l-isforzi ta' konsultazzjoni mal-atturi fir-reġjun, inklużi l-popolazzjonijiet lokali, il-gvernijiet reġjonali u l-NGOs, bl-għan li ssir enfasi fuq il-problemi u l-ħtiġijiet identifikati lokalment u titrawwem klima favorevoli u tiżdied il-kapaċità għar-rimpatriju ta' rifuġjati lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom; jenfasizza l-fatt li Dadaab ħoloq madwar 10 000 impjieg, li ħafna minnhom huma marbuta ma' attivitajiet umanitarji;

9.

Jenfasizza l-importanza ta' approċċ iċċentrat fuq il-persuni u l-komunità għall-użu tar-riżorsi tal-EUTF għall-finijiet ta' assistenza għar-rimpatriji minn Dadaab u għat-tfassil ta' miżuri għall-iżvilupp u r-reżiljenza fir-reġjun; jemmen bis-sħiħ li l-EUTF għandu jiffoka mhux biss fuq l-iżvilupp ekonomiku iżda wkoll fuq proġetti tal-poplu fir-reġjun, immirati speċifikament biex jittejbu l-kwalità, l-ekwità u l-aċċessibbiltà universali għas-servizzi bażiċi u t-taħriġ għall-iżvilupp ta' kompetenzi lokali, kif ukoll biex iwieġbu għall-ħtiġijiet ta' komunitajiet vulnerabbli, inklużi l-minoranzi;

10.

Jemmen li jenħtieġ li l-EUTF jiffoka aktar fuq spinta favur l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun, billi jsaħħaħ l-opportunitajiet ekonomiċi u tal-impjieg u billi jsaħħaħ ir-reżiljenza; jitlob li dawn il-fondi jintużaw biex jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli u għall-espansjoni ulterjuri tal-użu tal-enerġija solari bħala sors ta' enerġija, pereżempju għall-ippumpjar tal-ilma ħelu, li kien proġett li rnexxa f'xi partijiet tal-kamp ta' Dadaab;

11.

Jirrimarka li n-nisa u t-tfal jirrappreżentaw iktar minn 60 % tal-popolazzjoni totali tal-kamp tar-rifuġjati u huma meqjusa bħala l-aktar gruppi vulnerabbli u emarġinati fi ħdan il-kamp; jistieden lill-Gvern Kenjan, l-istituzzjonijiet reġjonali, l-organizzazzjonijiet ta' għajnuna internazzjonali u l-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, jadottaw approċċ speċifiku għall-miżuri ta' għajnuna li jindirizza l-fatturi li jinfluwenzaw il-vulnerabbiltà tan-nisa u t-tfal fil-kamp, bħall-persekuzzjoni bbażata fuq is-sess u l-ġeneru, il-vjolenza fuq in-nisa, l-abbuż u sfruttament sesswali, il-faqar estrem u l-esklużjoni;

12.

Ifaħħar lill-awtoritajiet Somali għall-progress li sar f'dawn l-aħħar xhur, fosthom fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet; jenfasizza l-fatt li, madankollu, il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u tas-sigurtà f'ħafna partijiet mis-Somalja għadhom estremament diffiċli għal rimpatriju fuq skala kbira; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha, għaldaqstant, biex jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet Somali biex jiżdiedu l-isforzi għall-istabbiltà fil-pajjiż qabel ma jsir rimpatriju fuq skala kbira;

13.

Jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali biex iwettqu l-impenji lejn is-Somalja, b'mod partikolari billi jagħmlu sforzi biex jistabbilixxu s-sigurtà tal-ikel sabiex tiġi evitata l-karestija imminenti, biex titrawwem is-sigurtà u r-rikonċiljazzjoni tad-differenzi fil-komunitajiet, biex tittejjeb il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u biex tkun megħjuna t-tlestija tar-reviżjoni kostituzzjonali, sabiex tinkiseb stabbiltà fit-tul;

14.

Jappella lill-UE biex tiżgura li l-programmi ta' rilokazzjoni fir-reġjun jaraw b'mod partikolari li gruppi ta' nies vulnerabbli jiġu rilokati lejn reġjuni sikuri b'mod responsabbli, u li d-drittijiet tar-rifuġjati jiġu rispettati; jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali jgħinu biex jinbnew infrastrutturi fil-pajjiż kollu biex ir-rifuġjati rimpatrijati jkunu jistgħu jiġu integrati mill-ġdid b'mod sikur u permanenti fis-soċjetà Somala, ħielsa mit-theddid minn elementi terroristiċi bħal Al-Shabaab;

15.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' ġestjoni aħjar tal-fruntieri bejn is-Somalja u l-pajjiżi ġirien tagħha, li huma meqjusa bħala ambjent ideali għan-netwerks involuti fit-traffikar u l-kuntrabandu tal-persuni, armi, drogi u merkanzija illeċita oħra, u b'hekk jipprovdu finanzjament għal attivitajiet kriminali u terroristiċi; jistenna li l-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE għas-Somalja taħdem mill-qrib mal-AMISOM u mal-awtoritajiet Somali biex jikkondividu l-aħjar prattika dwar ġestjoni tal-fruntieri mtejba bl-għan li jinqabdu t-traffikanti u l-kuntrabandisti;

16.

Jirrikonoxxi li ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp mingħajr sigurtà mtejba fir-reġjun; jenfasizza bil-qawwa, madankollu, li l-fondi mis-sorsi tal-FEŻ u tal-ODA jeħtieġ li jkunu ddedikati għall-iżvilupp ekonomiku, uman u soċjali fir-reġjun, b'enfasi partikolari fuq l-isfidi tal-iżvilupp identifikati fid-deċiżjoni dwar il-Fond Fiduċjarju; ifakkar li fondi tal-FEŻ u tal-ODA għandhom jintużaw esklussivament għal għanijiet tal-iżvilupp li jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni;

17.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza u li tingħata spinta lill-iżvilupp tal-komunitajiet ospitanti milquta fir-reġjun ta' Dadaab fil-Kenja, b'attenzjoni lill-ħajjiet tan-nies sabiex ma jiġux milquta negattivament bit-tnaqqis gradwali ta' Dadaab u s-servizzi pubbliċi pprovduti fil-belt, u x-xokk ekonomiku li dan jaf jikkawża għall-popolazzjoni; jenfasizza l-fatt li l-popolazzjoni ospitata f'Dadaab poġġiet pressjoni ambjentali kbira fuq ir-reġjun, li laqtet l-aċċess tal-popolazzjoni lokali għar-riżorsi naturali; jenfasizza l-fatt li din il-kwistjoni għandha tkun indirizzata konġuntament mill-Gvern Kenjan u permezz tal-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-UE għall-Kenja; jistenna li l-Gvern Kenjan u l-UE jirrikonoxxu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' dan ir-reġjun fraġli;

18.

Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-gvern tal-Istati Uniti li jnaqqas il-kontribuzzjoni tiegħu lill-aġenziji tan-NU b'USD 640 miljun; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt dirett li din id-deċiżjoni se jkollha fuq ir-reġjun; jinsisti li l-kontribuzzjonijiet volontarji tal-UE lill-fondi u lill-aġenziji tan-NU, li jammontaw għal nofs il-baġit totali tagħhom, huma kruċjali għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà dinjija;

19.

Jenfasizza li l-insuffiċjenza fil-baġit ta' aġenziji tan-NU bħalma hija l-UNHCR, li jipprovdu protezzjoni, kenn u assistenza umanitarja f'ċirkostanzi diffiċli u kumplessi, se tikkontribwixxi biex jiżdiedu l-isfidi tas-sigurtà fir-reġjun;

20.

Jinnota bi tħassib kbir l-effetti serji tat-tibdil fil-klima fuq ir-reġjun, li jservu ta' tfakkira qawwija lill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali b'mod ġenerali dwar il-ħtieġa li jiġu implimentati t-termini tal-Ftehim ta' Pariġi, filwaqt li jiġi nnotat l-effett dirett li għandhom dawn l-azzjonijiet fuq il-gwerra u l-karestija fir-reġjun;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Kenja, lill-Gvernatur tar-reġjun ta' Garissa, lill-Ispeaker tal-parlament tal-Kenja, lill-Gvern tas-Somalja, l-Ispeaker tal-parlament tas-Somalja, lill-IGAD, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-IGAD, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati.

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/137


P8_TA(2017)0230

Kif niżguraw li r-rilokazzjoni taħdem

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar kif niżguraw li r-rilokazzjoni taħdem (2017/2685(RSP))

(2018/C 307/21)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (1),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754 tad-29 ta' Settembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (3),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (4),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja, il-Greċja u l-Ungerija (5),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (6),

wara li kkunsidra l-11 ir-rapport tal-Kummissjoni dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-16 ta' Mejju 2017 dwar kif nagħmlu r-rilokazzjoni taħdem,

wara li kkunsidra l-istudju mwettaq għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu bl-isem “L-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja”, ippubblikat f'Marzu 2017,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, wara l-proċedura ta' konsultazzjoni stipulata fl-Artikolu 78(3) tat-TFUE, il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu bħala sostenn għad-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni b'maġġoranza kbira;

B.

billi d-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni ġew adottati bħala miżura ta' solidarjetà urġenti fin-nuqqas ta' sistema Ewropea tal-asil ibbażata fuq il-kondiviżjoni tar-responsabilità li għadha mhix fis-seħħ;

C.

billi l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jirrilokaw 160 000 applikant għall-asil mill-Italja u l-Greċja; billi, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754, 54 000 minn dawn il-postijiet jistgħu jintużaw għall-ammissjoni tar-rifuġjati Sirjani mit-Turkija;

D.

billi r-Renju Unit għażel li ma jipparteċipax f'dan il-mekkaniżmu, filwaqt li l-Irlanda għażlet li tipparteċipa; billi d-Danimarka għażlet li ma tipparteċipax fuq bażi volontarja, filwaqt li tliet stati assoċjati għażlu li jipparteċipaw;

E.

billi sas-27 ta' April 2017, 17 903 applikant għall-asil biss ġew rilokati, 12 490 mill-Greċja u 5 413 mill-Italja; billi dan jammonta biss għal 11 % tal-obbligu totali;

F.

billi l-għadd ta' persuni eliġibbli għal rilokazzjoni preżenti fl-Italja u fil-Greċja bħalissa huwa inqas mill-għadd previst fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill; billi s'issa 26 997 applikant eliġibbli ġew irreġistrati fil-Greċja filwaqt li l-Istati Membri formalment wiegħdu li jieħdu 19 603 post ta' rilokazzjoni; billi s'issa 8 000 applikant eliġibbli ġew irreġistrati fl-Italja filwaqt li l-Istati Membri formalment wiegħdu li jieħdu 10 659 post ta' rilokazzjoni; billi l-għadd ta' wegħdiet ġeneralment huwa ogħla b'mod sinifikanti min-numru ta' persuni li jiġu effettivament rilokati;

G.

billi huma biss l-applikanti għall-asil li kienu diġà preżenti fil-Greċja qabel l-20 ta' Marzu 2016 li huma fil-fatt meqjusa bħala eliġibbli għal rilokazzjoni; billi d-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni ma jinkludux tali data ta' tmiem tal-eliġibilità u ma ġewx emendati b'dan il-mod;

H.

billi huma biss l-applikanti għall-asil ta' nazzjonalità li għaliha r-rata medja ta' rikonoxximent hija 75 % jew aktar, skont id-data trimestrali disponibbli tal-Eurostat l-aktar reċenti, li huma eliġibbli għal rilokazzjoni; billi l-Iraqqini m'għadhomx eliġibbli għal rilokazzjoni, peress li r-rata medja ta' rikonoxximent tagħhom waqgħet għal taħt il-75 %; billi l-Parlament Ewropew, fil-pożizzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601, talab li l-Afgani għandhom ukoll ikunu eliġibbli għal rilokazzjoni; billi l-Afgani kienu t-tieni l-akbar grupp ta' applikanti għall-asil li l-Unjoni kellha taffaċċja fl-2016; billi 56,7 % minnhom ingħataw l-asil; billi evidentement l-akbar għadd ta' Afgani jaslu fil-Greċja; billi bosta minnhom huma minorenni mhux akkumpanjati;

I.

billi 62 300 applikant għall-asil u migranti għadhom preżenti fil-Greċja;

J.

billi l-Italja qabżet rekord ġdid f'termini ta' migranti li waslu fl-2016, b'181 436 (18 % aktar milli fl-2015), li 14 % minnhom kienu minorenni mhux akkumpanjati; billi 20 700 Eritrean li huma eliġibbli għal rilokazzjoni waslu fl-2016, iżda s'issa l-Italja rreġistrat biss madwar kwart minnhom għal rilokazzjoni;

K.

billi fl-Italja fl-2016 l-għadd limitat ta' applikanti għall-asil rilokati lejn Stati Membri oħra kien inqas b'mod sinifikanti mill-għadd ta' applikanti għall-asil trasferiti mill-Istati Membri lejn l-Italja skont ir-Regolament ta' Dublin;

L.

billi l-Kummissjoni, fit-8 rapport tagħha dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, stabbiliet mira ta' rilokazzjoni fix-xahar, ripetuta fir-rapporti sussegwenti, ta' 3 000 applikant għall-asil mill-Greċja u 1 500 mill-Italja (mill-1 ta' April 2017), sabiex tiffaċilita u taċċellera r-rilokazzjoni b'mod effettiv u bla xkiel fl-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill;

M.

billi l-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2016, approva l-pjan ta' azzjoni konġunta dwar l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, li tinkludi l-mira ta' rilokazzjoni għall-Greċja; billi l-Kunsill Ewropew tenna wkoll l-appell tiegħu għal aktar intensifikazzjoni tal-isforzi biex titħaffef ir-rilokazzjoni, b'mod partikulari għall-minorenni mhux akkumpanjati;

N.

billi l-prekundizzjonijiet u l-infrastruttura operattiva sabiex isseħħ ir-rilokazzjoni huma stabbiliti b'mod sħiħ;

O.

billi, minkejja li sar xi progress, huma biss żewġ Stati Membri, il-Finlandja u Malta, li huma kompletament fit-triq it-tajba biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta' rilokazzjoni; billi bosta Stati Membri għadhom lura sew; billi erba' Stati Membri kienu qed jirrilokaw fuq livell estremament limitat; billi żewġ Stati Membri għadhom mhux qed jipparteċipaw;

P.

billi l-Finlandja biss qiegħda sistematikament tirċievi minorenni mhux akkumpanjati; billi fl-Italja hemm bżonn ta' madwar 5 000 post ta' rilokazzjoni għalihom, filwaqt li s'issa huwa biss minorenni mhux akkumpanjat wieħed li ġie rilokat; billi fil-Greċja hemm bżonn ta' 163 post aktar mit-12 ta' April 2017 'l hawn;

Q.

billi xi Stati Membri qed jagħmlu użu minn preferenzi restrittivi ferm u diskriminatorji, bħall-għoti ta' rilokazzjoni għall-ommijiet waħedhom biss, jew l-esklużjoni ta' applikanti ta' nazzjonalitajiet speċifiċi, bħall-Eritrej, u japplikaw kontrolli ta' sigurtà estensivi ħafna; billi fil-Greċja 961 persuna mis-7 ta' Mejju 2017 'l hawn ġew irrifjutati r-rilokazzjoni mill-Istati Membri;

R.

billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tistipula b'mod ċar li l-miżuri ta' rilokazzjoni ma jeżentawx lill-Istati Membri milli japplikaw b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 (Dublin) relatati mar-riunifikazzjoni tal-familja, il-protezzjoni speċjali ta' minorenni mhux akkumpanjati, u l-klawsola diskrezzjonarja li tikkonċerna raġunijiet umanitarji;

1.

Jirrikonoxxi li sar xi progress, iżda jesprimi d-diżappunt tiegħu rigward l-impenji mhux sodisfatti min-naħa tal-Istati Membri favur is-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabilità;

2.

Jilqa' t-twaqqif ta' sistema awtomatizzata ta' tqabbil tal-preferenzi mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil; jistieden lill-Istati Membri ma jirrikkorrux għal deċiżjonijiet arbitrarji dwar jekk jaċċettawx talba għal rilokazzjoni jew le; iħeġġeġ lill-Istati Membri jibbażaw ir-rifjut tagħhom biss fuq ir-raġunijiet speċifiċi stabbiliti fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni;

3.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill u jirrilokaw sistematikament lill-applikanti għall-asil mill-Greċja u l-Italja, inklużi dawk li waslu wara l-20 ta' Marzu 2016, sakemm dawk kollha eliġibbli jkunu ġew rilokati b'mod effettiv u bla xkiel fl-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill; jistieden lill-Istati Membri jintrabtu u jitrasferixxu fuq bażi mensili stabbli;

4.

Jistieden lill-Istati Membri jipprijoritizzaw ir-rilokazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati u gruppi oħra vulnerabbli ta' applikanti;

5.

Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni fl-għaxar rapport tagħha dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni tat-2 ta' Marzu 2017 li mhix se toqgħod lura milli tuża s-setgħat tagħha skont it-Trattati jekk l-Istati Membri ma jżidux ir-rilokazzjonijiet tagħhom malajr; jifhem li dan se jinkludi proċeduri ta' ksur;

6.

Jinsisti li l-obbligi legali tal-Istati Membri ma jintemmux wara s-26 ta' Settembru 2017 u li wara din id-data huma xorta se jkollhom jirrilokaw l-applikanti eliġibbli kollha li waslu sa dik id-data;

7.

Jenfasizza l-fatt li l-Kunsill intrabat bil-mira ta' 160 000 rilokazzjoni; jinnota li l-għadd ta' persuni eliġibbli għal rilokazzjoni huwa differenti minn dan l-għadd; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi l-estensjoni tal-miżuri ta' rilokazzjoni sal-adozzjoni tar-Regolament ta' Dublin riformulat, f'konformità mat-termini tal-proposta tagħha tal-4 ta' Mejju 2016 (COM(2016)0270);

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 239, 15.9.2015, p. 146.

(2)  ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80.

(3)  ĠU L 268, 1.10.2016, p. 82.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2015)0306.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2015)0324.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2016)0354.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/140


P8_TA(2017)0231

L-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja (2017/2688(RSP))

(2018/C 307/22)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli tagħha,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu 2 dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Bniedem u ċ-Ċittadin,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2013 għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE dwar l-ugwaljanza tal-LGBTI tas-16 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar it-Tortura u t-Trattament Ħażin, u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru (1),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' April 2017 maħruġa mill-esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-abbuż u d-detenzjoni ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015 (2),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' April 2017 maħruġa mill-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja tad-19 ta' April 2017,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE dwar ir-rapporti kontinwi ta' arresti u qtil ta' rġiel gay mill-Gvern taċ-Ċeċenja fil-Kunsill Permanenti tal-OSKE tas-27 ta' April 2017,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti fis-7 ta' April 2017,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mid-Direttur tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE fit-13 ta' April 2017,

wara li kkunsidra l-konferenza stampa konġunta bejn il-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogħerini u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu Sergey Lavrov f'Moska, fl-24 ta' April 2017,

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fl-1 ta' April 2017 ġie ppubblikat artiklu fil-gazzetta indipendenti Russa Novaya Gazeta, fejn ġie rrappurtat li iżjed minn mitt raġel, gay jew meqjusa u perċepiti bħala gay, kienu ġew maħtufa u miżmuma fir-repubblika awtonoma taċ-Ċeċenja fil-Federazzjoni Russa, bħala parti minn kampanja koordinata allegatament organizzata mill-awtoritajiet u l-forzi tas-sigurtà tar-repubblika fuq ordnijiet diretti tal-President taċ-Ċeċenja, Ramzan Kadyrov;

B.

billi Novaya Gazeta rrappurtat li l-vittmi li nħatfu ġew maltrattati, ittorturati u mġiegħla jiżvelaw l-identità ta' individwi LGBTI oħrajn; billi ġie rappurtat ukoll li mill-inqas tliet irġiel kienu nqatlu, tnejn bħala riżultat tat-trattament f'kustodja u wieħed mill-familja tiegħu fl-hekk imsejjaħ “qtil tal-unur”;

C.

billi l-ewwel rapporti ġew ikkonfermati separatament mill-Human Rights Watch u l-Grupp ta' Kriżi Internazzjonali, li t-tnejn li huma jiċċitaw sorsi fil-post li jikkonfermaw li l-irġiel meqjusa bħala gay kienu fil-mira biex ikunu miżmuma mill-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà;

D.

billi hu rrapurtat li l-awtoritajiet fiċ-Ċeċenja ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet u wrew li mhumiex lesti li jinvestigaw u jtellgħu l-qorti lil dawk responsabbli;

E.

billi fil-biċċa l-kbira tagħhom il-vittmi jibqgħu lura milli jitolbu li ssir ġustizzja, minħabba li jibżgħu li jkun hemm ritaljazzjoni mill-awtoritajiet lokali; billi l-persuni gay u leżbjani u dawk meqjusa bħala gay jew leżbjani huma partikolarment vulnerabbli minħabba omofobija soċjetali b'saħħitha u r-riskju li jisfaw vittmi ta' qtil tal-unur minn qrabathom;

F.

billi wara snin ta' theddid u repressjoni u deterjorament qawwi tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kawkasu tat-Tramuntana, kważi l-ebda ġurnalist indipendenti jew attivist tad-drittijiet tal-bniedem ma jista' jaħdem fir-reġjun; billi ġie rrappurtat li l-ġurnalisti li jaħdmu għall-gazzetta Novaya Gazeta, li kixfet ir-repressjoni, irċevew theddid ta' mewt minħabba xogħolhom; billi l-awtoritajiet Ċeċeni ċaħdu l-allegazzjonijiet kollha u talbu lill-ġurnalisti jsemmu lill-vittmi intervistati;

G.

billi l-pulizija f'San Pietruburgu u f'Moska żammew maqbuda attivisti LGBTI li ppruvaw iqajmu sensibilizzazzjoni u jitolbu investigazzjoni dwar il-persekuzzjoni ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja;

H.

billi l-Federazzjoni Russa hija firmatarja ta' bosta trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, għandha għalhekk id-dover li tiżgura s-sikurezza tal-persuni kollha li jistgħu jkunu f'riskju, inkluż abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom; billi r-Russja għandha l-obbligu u l-mezzi biex tinvestiga d-delitti mwettqa mill-awtoritajiet Ċeċeni; billi l-omosesswalità ġiet dekriminalizzata fil-Federazzjoni Russa fl-1993;

I.

billi l-President Putin inkariga lill-Ombudsperson Russa għad-Drittijiet tal-Bniedem, Tatyana Moskalkova, tifforma grupp ta' ħidma biex tinvestiga l-allegazzjonijiet;

J.

billi l-individwi LGBTI huma protetti taħt id-dritt internazzjonali eżistenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u taħt il-leġiżlazzjoni domestika Russa; billi, madankollu, ħafna drabi hija meħtieġa azzjoni speċifika biex tiżgura t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni LGBTI, peress li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru jistgħu jġibu magħhom riskji addizzjonali ta' diskriminazzjoni, bullying u prosekuzzjoni, fl-iskejjel, fuq il-postijiet tax-xogħol u fis-soċjetà usa', kif ukoll fi ħdan il-familji; billi huwa l-kompitu u r-responsabbiltà tal-pulizija, tal-ġudikatura u tal-awtoritajiet li jiġġieldu kontra dawn il-forom ta' diskriminazzjoni u jopponu l-attitudnijiet soċjali negattivi;

K.

billi l-Linji Gwida tal-UE dwar l-LGBTI jippreskrivu attitudni proattiva min-naħa tad-Delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati nazzjonali tal-Istati Membri, fir-rigward tal-promozzjoni tad-drittijiet LGBTI; billi dawn il-Linji Gwida jistipulaw li l-ġlieda kontra l-vjolenza fobika fil-konfront tal-LGBTI u l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-LGBTI huma oqsma prijoritarji;

L.

billi fis-7 ta' Marzu 2017 ir-Russja adottat leġiżlazzjoni li tiddekriminalizza l-vjolenza domestika, b'tali mod li naqqset l-att ta' vjolenza fi ħdan il-familja minn reat kriminali għal wieħed amministrattiv, b'sanzjonijiet iktar dgħajfa għal dawk li jwettqu r-reati; billi l-Parlament Ewropew iddibatta din il-kwistjoni fis-sessjoni parzjali tiegħu fi Strasburgu tat-13-16 ta' Marzu 2017;

1.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti ta' detenzjoni arbitrarja u tortura ta' rġiel meqjusa bħala gay fir-Repubblika taċ-Ċeċenja fil-Federazzjoni Russa; jistieden lill-awtoritajiet biex itemmu din il-kampanja ta' persekuzzjoni, jeħilsu immedjatament lil dawk li għadhom miżmuma illegalment, biex jiżguraw il-protezzjoni ġuridika u fiżika għall-vittmi u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti li ħadmu fuq dan il-każ, u biex iħallu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem iwettqu investigazzjoni kredibbli dwar l-allegati reati;

2.

Jikkundanna d-dikjarazzjonijiet kollha mill-awtoritajiet Ċeċeni li jħeġġu u jinċitaw vjolenza kontra persuni LGBTI, inkluż dikjarazzjoni mill-kelliem tal-Gvern Ċeċen li tiċħad l-eżistenza ta' omosesswali fiċ-Ċeċenja u tiddiskredita r-rapport bħala “gideb u diżinformazzjoni assoluta”; jiddeplora n-nuqqas ta' rieda tal-awtoritajiet lokali li jinvestigaw u jħarrku l-ksur serju dirett speċifikament lejn individwi abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom, u jfakkar lill-awtoritajiet li d-drittijiet tal-libertà ta' assemblea, assoċjazzjoni u espressjoni huma drittijiet universali u japplikaw għal kulħadd; jitlob il-ħelsien immedjat ta' dawk li għadhom miżmuma illegalment; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jipprovdu protezzjoni ġuridika u fiżika għall-vittmi, kif ukoll għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti li ħadmu fuq dan il-każ;

3.

Jinnota li l-President Putin ta istruzzjonijiet lill-Ministeru tal-Intern Russu u lill-Prosekutur Federali biex jinvestigaw il-ġrajjiet fiċ-Ċeċenja, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa biex joffru appoġġ materjali u konsulenza lill-awtoritajiet Russi f'din l-investigazzjoni;

4.

Jistieden lill-awtoritajiet Ċeċeni u dawk tal-Federazzjoni Russa jirrispettaw il-leġiżlazzjoni domestika u l-impenji internazzjonali, iħarsu l-istat tad-dritt u l-istandards universali tad-drittijiet tal-bniedem u jippromwovu l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, inkluż għal persuni LGBTI, bl-appoġġ ta' miżuri bħal kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jippromwovu kultura ta' tolleranza, rispett u inklużjoni bbażati fuq l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni; jitlob li jittieħdu miżuri ta' protezzjoni immedjati favur individwi vulnerabbli li jistgħu jisfaw vittmi, u għar-riabilitazzjoni sħiħa tal-vittmi kollha ta' tortura;

5.

Jiddeplora l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun u l-klima ta' impunità li tippermetti li dawn l-atti jseħħu, u jappella għall-iżvilupp ta' miżuri ġuridiċi u ta' miżuri oħrajn li jipprevjenu tali vjolenza u jimmonitorjaw u jħarrku b'mod effikaċi l-awturi b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili; jenfasizza li r-Russja u l-Gvern tagħha jġorru r-responsabbiltà aħħarija biex jinvestigaw dawn l-atti, iressqu l-awturi quddiem il-ġustizzja u jipproteġu liċ-ċittadini Russi kollha minn abbuż illegali;

6.

Jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, li jittieħdu azzjonijiet immedjati, indipendenti, oġġettivi u li jsiru investigazzjonijiet fil-fond dwar l-atti ta' priġunerija, tortura u qtil, sabiex l-awturi intellettwali u materjali tagħhom jitressqu quddiem il-ġustizzja u tintemm l-impunità; jilqa', f'dan ir-rigward, it-twaqqif ta' grupp ta' ħidma taħt it-tmexxija tal-Ombudsperson Russa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li qed tinvestiga l-kwistjoni; jistieden lill-awtoritajiet Russi jagħtu istruzzjonijiet lill-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali biex joffri l-anonimità u protezzjonijiet oħrajn għal vittmi u xhieda tal-persekuzzjoni kontra l-persuni gay u l-familji tagħhom fiċ-Ċeċenja sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-investigazzjoni; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-ambaxxati u l-konsulati tal-Istati Membri fir-Russja biex jissorveljaw b'mod attiv l-investigazzjoni, u biex jintensifikaw aktar l-isforzi lejn l-involviment mal-vittmi, il-persuni LGBTI, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li attwalment jinsabu f'periklu;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha ma' organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili Russa, biex tingħata għajnuna lil dawk li ħarbu miċ-Ċeċenja u sabiex din il-kampanja ta' abbuż toħroġ fid-deher; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-proċeduri ta' talba għall-asil għal dawn il-vittmi, il-ġurnalisti u d-defensuri tad-drittijiet tal-bniedem skont id-dritt Ewropew u dak nazzjonali;

8.

Jilqa' u jagħraf l-isforzi magħmula minn bosta kapijiet ta' delegazzjonijiet tal-UE u l-persunal tagħhom u l-ambaxxaturi tal-Istati Membri u l-persunal tagħhom biex jappoġġjaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-LGBTI u jippromwovu n-nondiskriminazzjoni u drittijiet indaqs; jistieden lill-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-UE u persunal ieħor tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jikkonsultaw mal-Parlament u l-MPE rilevanti kull meta jkollhom mistoqsijiet jew jixtiequ jipprovdu lill-Parlament b'informazzjoni, inkluż fil-Konferenza annwali tal-Ambaxxaturi f'Settembru; jenfasizza l-importanza tal-għarfien u tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-LGBTI min-naħa tad-delegazzjonijiet tal-UE u tar-rappreżentanzi tal-Istati Membri; jistieden, f'dan ir-rigward, lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex iħeġġu għal implimentazzjoni aktar strateġika u sistematika tal-Linji Gwida, inkluż permezz ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ tal-persunal tal-UE f'pajjiżi terzi, sabiex b'mod effikaċi jqajmu l-kwistjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI fi djalogi politiċi u dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi u f'fora multilaterali, u biex jappoġġjaw l-isforzi mis-soċjetà ċivili;

9.

Jenfasizza bil-qawwa l-importanza ta' valutazzjoni kontinwa tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida permezz ta' punti ta' riferiment ċari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika evalwazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida mid-delegazzjonijiet tal-UE u mir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri fil-pajjiżi terzi kollha bil-ħsieb li tidentifika d-differenzi u n-nuqqasijiet possibbli fl-implimentazzjoni u biex dawn jiġu rimedjati;

10.

Jiddispjaċih ħafna li l-Federazzjoni Russa vvutat kontra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

11.

Ifakkar lill-awtoritajiet Russi u Ċeċeni li s-sistemi tal-valuri reġjonali, kulturali u reliġjużi m'għandhomx jintużaw bħala skuża biex jiġu mħeġġa jew ikun hemm involviment fid-diskriminazzjoni, il-vjolenza, it-tortura, u/jew id-detenzjoni ta' individwi jew gruppi, inkluż abbażi tas-sesswalità jew l-identità tal-ġeneru;

12.

Jinnota bi tħassib, u bħala pass lura, l-adozzjoni mir-Russja ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar il-vjolenza domestika, inkluż dik kontra t-tfal; jenfasizza li leġiżlazzjoni li tittollera l-vjolenza fi ħdan il-familja tirriskja konsegwenzi severi kemm għall-vittmi kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu jippromwovu l-qerda tal-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza domestika, jipproteġu dawk li huma vulnerabbli, u jappoġġjaw lill-vittmi, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Ewropa;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, l-Kunsill u l-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa, u lill-awtoritajiet Ċeċeni.

(1)  ĠU C 93, 24.3.2017, p. 21.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0502.


Il-Ħamis 1 ta’ Ġunju 2017

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/144


P8_TA(2017)0234

Il-konnettività tal-internet għat-tkabbir, il-kompetittività u l-koeżjoni: is-soċjetà Ewropea tal-gigabits u l-5G

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-konnettività tal-internet għat-tkabbir, il-kompetittività u l-koeżjoni: is-soċjetà Ewropea tal-gigabits u l-5G (2016/2305(INI))

(2018/C 307/23)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv – Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits” (COM(2016)0587) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0300),

wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu “5G għall-Ewropa: Pjan ta' Azzjoni” (COM(2016)0588) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0306),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (COM(2016)0590),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 fejn tidħol il-promozzjoni tal-konnettività tal-Internet fil-komunitajiet lokali (COM(2016)0589),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika (COM(2016)0591),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (COM(2015)0192) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu “Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta” (COM(2014)0442),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu “Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea – Ingawdu l-benefiċċji kollha ta' Suq Uniku Diġitali” (COM(2016)0180),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (1),

wara li kkunsidra l-anness għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2013 bit-titolu “L-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): ir-riżultati u l-passi li jmiss” (COM(2013)0685),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu “L-Istandards tal-ICT bħala l-Pedament Tas-Suq Uniku Diġitali” (COM(2016)0176),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali (2),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2016 għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-banda ta' frekwenzi 470-790 MHz fl-Unjoni (COM(2016)0043),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2016 (EUCO 26/16),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Settembru 2013 bit-titolu “Niftħu l-Edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta' Teknoloġiji Ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa” (COM(2013)0654),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Ottubru 2016 bit-titolu “Strateġija Spazjali għall-Ewropa” (COM(2016)0705),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (l-20 Direttiva individwali skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) u li tħassar id-Direttiva 2004/40/KE (3),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv – Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0184/2017),

A.

billi l-5G se jkun pilastru ewlieni tas-soċjetà tal-gigabits, li jirrappreżenta l-istandard għall-ġejjieni tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni mobbli, u mezz għall-innovazzjoni, li jġib miegħu bidla radikali fl-ekonomija, u li joħloq każijiet ġodda ta' użu, servizzi u prodotti ta' kwalità għolja, flussi ta' dħul u mudelli tan-negozju u opportunitajiet, u billi huwa mistenni li jagħti spinta lill-kompetittività tal-industriji u jipprovdi sodisfazzjon lill-konsumaturi;

B.

billi t-tmexxija Ewropea fit-teknoloġija 5G hija essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u għaż-żamma tal-kompetittività globali, li min-naħa tagħha teħtieġ koordinazzjoni u ppjanar fil-livell Ewropew, u billi jekk l-Ewropa taqa' lura jfisser riskji fl-impjieg, l-innovazzjoni u l-għarfien;

C.

billi l-5G u l-applikazzjonijiet tal-5G se joħolqu mill-ġdid mudelli ta' negozju billi jipprovdu konnettività b'veloċità għolja ħafna, li jagħtu lok għall-innovazzjoni fis-setturi kollha, mhux l-anqas fit-trasport, l-enerġija, il-finanzi u s-saħħa; billi, f'dan ir-rigward, l-Ewropa ma tistax taffordja taqa' lura, minħabba li l-5G se jkun il-mutur għat-tkabbir u l-innovazzjoni fil-ġejjieni;

D.

billi l-arkitettura tan-netwerks 5G se tkun sostanzjalment differenti minn dik tal-ġenerazzjonijiet preċedenti, sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti mistennija ta' negozju u prestazzjoni għal netwerks b'Kapaċità Kbira Ħafna (VHC), speċjalment fir-rigward tal-latenza, il-kopertura u l-affidabbiltà;

E.

billi l-arkitettura tal-5G se twassal għal konverġenza miżjuda bejn in-netwerks mobbli u fissi; billi, għalhekk, l-introduzzjoni ta' netwerks fissi tal-VHC se tikkontribwixxi għall-bżonnijiet backhaul ta' netwerk bla fili dens tal-5G li jkun kemm jista' jkun viċin tal-utenti aħħarin;

F.

billi l-futur tas-soċjetà Ewropea u l-ekonomija Ewropea se jiddependu ħafna fuq l-infrastruttura 5G, li l-impatt tagħha se jmur ferm lil hinn minn netwerks ta' aċċess mingħajr fili eżistenti, bil-għan li jkunu pprovduti servizzi ta' komunikazzjoni ta' kwalità għolja u aktar veloċi, li jkunu affordabbli għal kulħadd u disponibbli kullimkien u f'kull ħin;

G.

billi d-diġitalizzazzjoni qed taċċelera b'mod mgħaġġel ħafna u fuq livell globali, li teħtieġ investimenti f'netwerks tal-komunikazzjoni ta' kwalità għolja b'kopertura universali; billi, f'dan ir-rigward, hemm il-ħtieġa tad-disponibbiltà f'waqtha ta' spettru tar-radju li kapaċi jissodisfa din id-domanda;

H.

billi l-konnettività mobbli u dik bla fili għal kull ċittadin qed issir aktar u aktar importanti hekk kif is-servizzi u l-applikazzjonijiet innovattivi qed jintużaw kontinwament waqt il-moviment u billi politika diġitali orjentata lejn il-futur jeħtieġ li tqis dan;

I.

billi t-tnedija tan-netwerk 5G se ssir primarjament permezz ta' investimenti privati u se teħtieġ li l-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi joħloq ambjent regolatorju li jippromwovi ċ-ċertezza, il-kompetizzjoni u l-investiment; billi dan se jirrikjedi s-simplifikazzjoni tal-kundizzjonijiet amministrattivi, pereżempju għall-introduzzjoni ta' ċelloli żgħar għal armonizzazzjoni stretta u f'waqtha tal-ispettru u l-iżvilupp ta' netwerk VHC, kif attwalment propost fil-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi;

J.

billi l-inizjattivi pubbliċi, bħall-inizjattiva tas-Sħubija Pubblika-Privata (PPP) tal-2013 tal-Kummissjoni, appoġġjata minn 700 miljun euro ta' fondi pubbliċi biex jippermettu l-5G fl-Ewropa sal-2020, għandhom bżonn jiġu kumplimentati minn suq kompetittiv b'regolamentazzjoni tal-aċċess u koordinazzjoni tal-ispettru li jibqgħu validi fil-futur, li jsaħħaħ l-innovazzjoni u l-investimenti privati meħtieġa ta' infrastruttura;

K.

billi l-introduzzjoni tal-5G għandha ssir b'mod li tikkumplimenta, u mhux li tagħmel ħsara lil proġetti oħra li huma mmirati biex isaħħu l-konnettività fl-aktar partijiet rurali u remoti tal-Ewropa;

L.

billi l-implimentazzjoni tal-5G u tas-soċjetà tal-gigabits teħtieġ kalendarju espliċitu, approċċ immexxi mid-domanda, li jkun teknoloġikament newtrali u li jibqa' validu fil-futur ibbażat fuq valutazzjonijiet skont ir-reġjun u s-settur, koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha u investimenti adegwati sabiex jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha fiż-żmien meħtieġ, u jagħmluha realtà għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

I.    Viżjoni 5G – esiġenza għal bidla ġenerazzjonali

1.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tfassal Pjan ta' Azzjoni għall-5G bil-għan li tpoġġi lill-UE fuq quddiem nettfid-dinja fl-introduzzjoni ta' netwerks standardizzati tal-5G mill-2020 sal-2025 bħala parti minn strateġija żviluppata usa' għal soċjetà Ewropea tal-gigabits li tkun teknoloġikament aktar kompetittiva u inklużiva; huwa tal-fehma li sabiex jinkiseb dan, huwa kruċjali li jkun hemm koordinazzjoni adegwata bejn l-Istati Membri, sabiex jiġu evitati l-istess tipi ta' dewmien fit-tnedija tal-5G li kienu ġew esperjenzati bil-4G, li wasslu għall-fatt li llum il-kopertura tal-4G hija ta' 86 %, waqt li fiż-żoni rurali hija ta' 36 % biss;

2.

Jissottolinja li, skont il-Kummissjoni, il-pjan ta' azzjoni biex jiddaħħal il-5G madwar l-UE għandu “l-potenzjal li joħloq żewġ miljun impjieg”, u li jista' jagħti spinta lill-ekonomija Ewropea u jiġġieled ir-rati għolja tal-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ;

3.

Jenfasizza li l-PPP tal-5G bħalissa hija waħda mill-aktar inizjattivi avvanzati fid-dinja li jinvolvu l-5G u l-applikazzjonijiet ġodda li jirriżultaw minnu; huwa tal-fehma li minkejja li t-trawwim ta' sinerġiji fir-riċerka u l-iżvilupp huwa pożittiv, meta jitqies l-impatt li t-tnedija tal-5G se jkollha fuq is-soċjetà, ikun xieraq li l-PPP tinfetaħ ukoll għar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-konsumaturi;

4.

Jenfasizza li kronoloġija li tħares 'il quddiem għall-allokazzjoni tal-ispettru fl-Unjoni hija ta' importanza assoluta jekk l-Ewropa trid tkun fuq quddiem fir-rigward tal-iżvilupp tat-teknoloġija 5G; jilqa', f'dan ir-rigward, l-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni intitolata “5G għall-Ewropa: Pjan ta' Azzjoni”, u jqis dawn l-azzjonijiet bħala rekwiżit minimu għat-tnedija b'suċċess tal-5G fl-Unjoni;

5.

Jenfasizza li l-investimenti privati jenħtieġ li jiġu appoġġjati minn ambjent ta' politika u regolatorju orjentat lejn l-infrastruttura mfassal għall-prevedibbiltà, iċ-ċertezza u mmirat għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-utenti aħħarin, u jenħtieġ li ma jiddewmux minn skemi pubbliċi ambizzjużi wisq li jistgħu jfixklu t-tnedija tal-5G;

6.

Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn id-dinja akkademika, l-istituzzjonijiet ta' riċerka, is-settur privat u s-settur pubbliku għar-riċerka u l-iżvilupp rigward il-komunikazzjonijiet mobbli tal-5G; jinnota l-PPP tal-5G bħala eżempju pożittiv f'dan ir-rigward u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tinvolvi s-setturi rilevanti kollha fil-proċess;

7.

Jemmen li l-Ewropa se tibbenefika minn trasformazzjoni ulterjuri favur ekonomija diġitali f'termini ta' kopertura usa', konnettività u veloċitajiet aktar rapidi, u li l-kontribut tal-ekonomija diġitali għat-tkabbir tal-PDG se jkun ta' 40 % sal-2020, b'rata ta' tkabbir 13-il darba aktar rapida minn dik tal-PDG totali

8.

Jilqa' u jappoġġja l-objettivi ta' terminu medju tas-soċjetà tal-gigabits li jintlaħqu veloċitajiet tan-netwerk ta' mill-inqas 100 Mbps għall-konsumaturi kollha Ewropej, u li jistgħu jiġu aġġornati għal 1 Gbps u li jiżdiedu fuq żmien fit-tul għal 100 Gbps għall-motivaturi soċjoekonomiċi ewlenin, bħalma huma l-fornituri ta' servizzi pubbliċi, in-negozji intensivi diġitalment, iċ-ċentri tat-trasport ewlenin, l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-isptarijiet, l-edukazzjoni u r-riċerka; jappella għall-introduzzjoni ta' infrastruttura backhaul tal-fibra, il-kompetizzjoni biex tixpruna l-investiment, u sabiex jiġu prijorizzati l-esperjenzi tal-utent aħħari ta' kwalità għolja; ifakkar li l-Unjoni għadha lura fl-objettivi ta' konnettività tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tal-2020 tagħha, fejn huwa partikolarment ta' tħassib kemm iż-żoni rurali u remoti għadhom ferm lura;

9.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-akbar għadd possibbli ta' ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-konnettività tas-soċjetà tal-gigabits, inklużi dawk li jgħixu f'żoni remoti;

10.

Jappoġġja bil-qawwa l-isforzi biex jiġi żgurat aċċess għan-netwerk 5G tul il-vjaġġi intermodali fuq il-bażi tan-netwerks tat-trasport pubbliku marbuta mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u n-netwerks trans-Ewropej tat-trasport (TEN-T) sal-2025, u jistenna li wara dan ikun hemm aċċess sħiħ fl-UE kollha, kemm f'żoni urbani kif ukoll f'żoni rurali u fiċ-ċentri u l-attrazzjonijiet turistiċi ewlenin;

11.

Jinnota li għad hemm bżonn ta' titjib ulterjuri fil-kopertura tar-raba' ġenerazzjoni tan-netwerks tal-mowbajls/LTE peress li, f'dan ir-rigward, l-Unjoni Ewropea tinsab wara l-Istati Uniti, il-Korea t-Isfel u l-Ġappun, u li l-Pjan ta' Azzjoni tal-5G għandu jkun opportunità biex nitgħallmu mill-iżbalji tat-tnedija tal-4G;

12.

Jirrimarka li l-aċċess għar-radju 5G jeħtieġ li jkun kapaċi jopera fuq firxa ta' frekwenza wiesgħa ħafna, minn anqas minn 1 GHz sa 100 Ghz, kif ukoll backhaul sa 300 GHz; jinnota li frekwenzi ta' 3-6 GHz u dawk aktar minn 6 GHz jenħtieġ li jwasslu rati ta' data estrema u kapaċità estrema f'żoni densi; jirrikonoxxi li s-sistemi tal-5G fil-baned ta' frekwenza għolja jeħtieġu infrastruttura tan-netwerk densa ħafna bbażata fuq aċċess ta' ċelloli żgħar għas-siti, li ser jeħtieġu għażliet fir-rigward tal-baned tal-ispettru li għandhom jintużaw jew il-possibbiltà tal-kondiviżjoni tal-baned tal-ispettru;

13.

Jenfasizza li l-veloċitajiet tad-download waħidhom mhumiex se jkunu biżżejjed biex jissodisfaw id-domanda tal-konnettività futura tas-soċjetà tal-gigabits, li se teħtieġ objettiv tal-infrastruttura dwar in-netwerks tal-VHC, billi dawk in-netwerks jissodisfaw l-ogħla standards f'termini ta' veloċitajiet ta' upload u download, latenza u reżiljenza;

14.

Jenfasizza li sabiex nirrispondu għall-isfidi tal-5G u sabiex niżguraw perjodu ta' tranżizzjoni bla xkiel lejn il-5G fl-Istati Membri kollha, tinħtieġ strateġija Ewropea tal-ispettru koerenti, inklużi pjanijiet direzzjonali u kalendarji nazzjonali kkoordinati, li tindirizza l-komunikazzjonijiet umani, bejn magna u oħra (M2M) u tal-Internet tal-Oġġetti (IoT) f'diversi livelli: veloċità tal-konnessjoni, mobbiltà, latenza, ubikwità, ċiklu tat-tħaddim, affidabbiltà, aċċessibbiltà, eċċ.;

15.

Jirrimarka li t-tnedija ta' netwerks tal-5G mingħajr fili tirrikjedi użu flessibbli u effiċjenti tal-partijiet tal-ispettru mhux kontigwi disponibbli kollha, inkluża l-banda tas-700Mhz, għal xenarji tal-introduzzjoni tan-netwerk differenti ħafna, li se jirrikjedi l-iżvilupp ta' mudelli innovattivi għall-għoti ta' liċenzji ta' spettru u enfasi partikolari fuq l-armonizzazzjoni tal-baned tal-ispettru disponibbli fil-livell reġjonali;

16.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-baned tal-ispettru liċenzjati biex jiġi żgurat investiment ta' netwerk fuq perjodu twil u jiggarantixxi kwalità aħjar tas-servizzi, billi jippermetti aċċess tal-ispettru kostanti u affidabbli, filwaqt li jenfasizza wkoll il-bżonn għal protezzjoni legali aħjar għall-baned tal-ispettru mingħajr liċenzja u metodi varji ta' tqassim tal-baned tal-ispettru;

17.

Jirrimarka li nuqqas ta' koordinazzjoni jikkostitwixxi riskju sostanzjali f'termini tal-introduzzjoni tal-5G, peress li l-akkwist ta' massa kritika huwa kruċjali biex jattira l-investimenti u b'hekk jitgawdu l-benefiċċji sħaħ tat-teknoloġija tal-5G;

18.

Jinnota li l-partijiet ikkonċernati kollha tas-settur jenħtieġ li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ekwi prevedibbli li jixprunaw il-kompetizzjoni u jenħtieġ li jgawdu l-flessibilità biex ifasslu n-netwerks tagħhom stess, jagħżlu l-mudelli ta' investiment tagħhom u t-taħlita ta' teknoloġiji li għandha tiżgura l-funzjonalità sħiħa għall-objettivi tal-introduzzjoni tal-5G, bħall-FTTH, il-kejbil, is-satellita, il-WiFi, il-WiGig, il-G.fast, it-2G, il-Massive MIMO, jew kwalunkwe teknoloġija oħra ta' żvilupp veloċi, sakemm jgħinu biex jikkonnettjaw lill-Ewropej kollha man-netwerks VHC skont il-ħtiġijiet reali tagħhom; jinnota li l-introduzzjoni tal-5G teħtieġ ħafna aktar fibri f'netwerk bla fili aktar dens;

19.

Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv” u “5G għall-Ewropa: Pjan ta' Azzjoni” tagħha, li jippreżentaw opportunità eċċitanti biex l-Istati Membri jabilitaw lill-innovaturi kulturali u kreattivi tagħhom, b'mod partikolari l-SMEs, biex jikkompetu aktar fix-xena globali u jesponu t-talent intraprenditorjali u innovattiv tagħhom;

II.    L-iffaċilitar tal-benefiċċji tas-soċjetà tal-gigabits

20.

Jemmen li l-5G huwa aktar minn evoluzzjoni tal-Broadband mobbli u li se jkun faċilitatur kruċjali tad-dinja diġitali futura bħala l-ġenerazzjoni li jmiss ta' infrastruttura tal-broadband ultrarapidu preżenti kullimkien li se tappoġġja t-trasformazzjoni tal-proċessi fis-setturi ekonomiċi kollha (is-settur pubbliku, l-edukazzjoni, l-għoti ta' kontenut. tal-midja konverġenti, il-kura tas-saħħa, ir-riċerka, l-enerġija, l-utilitajiet, il-manifattura, it-trasport, l-industrija tal-karozzi, is-settur awdjoviżiv, ir-realtà virtwali (VR), il-logħob online u oħrajn) u tipprovdi servizzi affordabbli, aġli, flessibbli, interattivi, affidabbli u personalizzati ħafna li għandhom itejbu l-ħajja ta' kull ċittadin;

21.

Jinnota li l-frammentazzjoni Ewropea fit-tnedija tal-4G, li għadha viżibbli fid-differenzi ewlenin bejn l-Istati Membri kif jidher fl-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) tal-2015, waslet għal nuqqas ta' kompetittività diġitali vis-à-vis l-Istati Uniti, iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea t'Isfel u l-ekonomiji emerġenti; f'dan ir-rigward, jenfasizza li waqt li l-Ewropea qed tagħmel progress f'termini ta' żvilupp diġitali, il-pass qed jonqos, li jfisser riskju fuq tul ta' żmien twil għall-investimenti neċessarji u għall-attraenza tal-ambjent tan-negozju Ewropew;

22.

Ifakkar li l-benefiċjarji finali tal-introduzzjoni tal-5G għandhom ikunu l-utenti aħħarin u li kwalunkwe deċiżjoni li ssir fit-tnedija tat-teknoloġiji 5G għandha dejjem tibqa' tkun immirata lejn din ir-raġuni aħħarija li toffri servizzi affordabbli, affidabbli u ta' kwalità għolja;

23.

Jinnota li l-investiment tas-settur pubbliku u privat iġib effett multiplikatur mal-ekonomija kollha u, meta l-5G tkun ġiet introdotta għalkollox, dan aktarx joħloq, direttament u indirettament, sa 2,3 miljun impjieg fit-28 Stat Membru;

24.

Jinnota li huwa mistenni li l-introduzzjoni tat-teknoloġiji 5G fl-Ewropa jkollha benefiċċji li jestendu lil hinn mill-industrija mobbli, kif ukoll effetti ta' klassi ogħla fuq klassijiet iktar baxxi (trickle-down effect) li jammontaw għal EUR 141,8 biljun fis-sena sal-2025;

25.

Jenfasizza li s-suċċess ta' tnedija rapida tal-5G mal-UE kollha jiddependi fuq l-iżvilupp ta' mudelli ġodda ta' negozju li jkunu mmexxija mid-domanda; jenfasizza li hemm għadd kbir ta' inizjattivi li jikkontribwixxu għall-kjarifika tar-rekwiżiti għall-5G, li tagħmilha diffiċli għall-industriji vertikali li jikkontribwixxu għall-proċess; għalhekk jisħaq fuq il-fatt li l-industriji vertikali għandhom bżonn ikunu attivament involuti fil-proċess tar-rekwiżiti b'mod effiċjenti;

26.

Jenfasizza li kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti tas-suq huma neċessitajiet ewlenin għall-iżvilupp tas-soċjetà tal-gigabits mill-parteċipanti tas-suq; jemmen li l-prinċipju ta' “l-istess servizz, l-istess riskju, l-istess regoli” għandu japplika, f'dan ir-rigward;

27.

Jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, flimkien mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, għandhom iqisu miżuri dwar kif jinċentivizzaw provi avvanzati u bankijiet tat-test sabiex jaċċeleraw l-innovazzjoni fl-applikazzjonijiet 5G;

28.

Jinnota li soċjetà tal-gigabits jenħtieġ li tindirizza d-distakk diġitali u ttejjeb l-użu tal-internet; jinnota li għad hemm bżonn ta' investiment kontinwu għat-tnedija tat-teknoloġiji eżistenti u futuri, fosthom teknoloġiji satellitari, fiż-żoni rurali u remoti; jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm taħlita intelliġenti ta' investimenti privati u pubbliċi sabiex jiġi indirizzat id-distakk diġitali taż-żoni rurali u remoti; jenfasizza li l-lezzjonijiet li ttieħdu mill-passat jenħtieġ li jintużaw biex jiġu indirizzati d-differenzi bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-popolazzjonijiet densi u remoti, b'appoġġ għal żvilupp ġeografiku bbilanċjat;

29.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li filwaqt li d-distakk diġitali huwa preżenti bejn il-bliet u ż-żoni rurali, huwa wkoll preżenti ħafna bejn Stat Membru u ieħor; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' qafas leġiżlattiv kompetittiv u inizjattivi li jħeġġu l-investimenti fl-infrastruttura, iżidu d-diversità tal-atturi u jsaħħu l-koordinazzjoni Ewropea;

30.

Jirrimarka li l-5G se jkun il-pedament fit-twettiq tal-viżjoni tas-Soċjetà f'Netwerk u se jżid il-possibbiltajiet li wieħed jgħix, jistudja u jaħdem fl-Unjoni Ewropea, li huwa prerekwiżit sabiex in-nies u l-kumpaniji jibbenefikaw għalkollox mir-rivoluzzjoni diġitali;

31.

Iqis li l-faċilitazzjoni tal-introduzzjoni ta' ċelloli żgħar tal-5G li jkunu konsistenti mar-Regolament WiFi4EU se jikkontribwixxu biex jitnaqqas id-distakk diġitali u teknoloġiku u jżid id-disponibbiltà tas-servizz tal-5G għaċ-ċittadini kollha;

32.

Jenfasizza li l-Ewropa trid tibqa' żżomm il-pass mal-iżviluppi teknoloġiċi u l-opportunitajiet, li huma pprovduti minn teknoloġiji tal-ICT aktar effiċjenti biex jappoġġjaw l-iżvilupp soċjoekonomiku fir-reġjuni sottożviluppati tal-lum;

33.

Jenfasizza li sabiex jittieħed benefiċċju mill-potenzjal sħiħ tas-servizz tal-istandard mobbli teknoloġiku tal-5G, netwerk tal-fibri dens jikkostitwixxi l-infrastruttura backhaul indispensabbli;

34.

Jilqa' l-inizjattiva WiFi4EU għall-promozzjoni tal-aċċess ħieles u universali għall-internet f'komunitajiet lokali permezz ta' skema ffinananzjata mill-UE u implimentata mill-Istati Membri; jinnota li l-inizjattiva WiFi4EU għandha l-għan li tippromwovi l-inklużività diġitali fir-reġjuni kollha billi tallokalhom fondi b'mod ġeografikament ibbilanċjat, filwaqt li tagħti attenzjoni wkoll lill-kwalità tal-esperjenza tas-servizz tal-utenti; jinnota li l-veloċitajiet ta' aċċess qegħdin jiżdiedu, u li aktar ma jikber l-użu f'tagħmir varju mingħajr fili, il-WLAN jeħtieġ li jissodisfa domandi ta' konnessjoni minn tarf għal ieħor; jemmen li jinħtieġ qafas ta' politika bi prijoritajiet speċifiċi biex jingħelbu l-ostakoli li s-suq waħdu ma jistax ikopri;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali għall-kopertura fuq ġewwa fil-Pjan ta' Azzjoni tal-5G tagħha, billi għadd kbir mill-applikazzjonijiet tal-5G se jintużaw fid-djar u fl-uffiċċji; ifakkar fil-penetrazzjoni fil-bini fqira ta' netwerks bi frekwenzi ogħla; jirrakkomanda l-valutazzjoni ta' teknoloġiji addizzjonali li jiżguraw kopertura fuq ġewwa tajba, bħall-Massive MIMO, repeaters fuq ġewwa u applikazzjonijiet WiGig u Wi-Fi b'veloċità għolja;

36.

Jenfasizza li l-iżvilupp tat-teknoloġiji 5G huwa pedament għat-trasformazzjoni tal-infrastruttura tan-netwerk tal-ICT lejn konnettività intelliġenti li tinkludi kollox: karozzi intelliġenti, grilji intelliġenti, bliet intelliġenti, fabbriki intelliġenti, gvernijiet intelliġenti u aktar; jemmen li broadband veloċi ħafna u karatteristiċi ta' netwerk intelliġenti u effiċjenti li jiksbu konnettività kważi immedjata bejn il-persuni, mill-persuna għall-magna u magni konnessi, se jiddefinixxu mill-ġdid il-konnettività tal-utenti finali, li se tkun possibbli bil-paradigmi ta' netwerk bħal netwerks stil mesh, netwerks ibridi, slicing tan-netwerk dinamiku u teknoloġiji ta' softwerizzazzjoni;

37.

Jenfasizza li l-prestazzjoni b'enerġija għolja li tfittex konsum tal-enerġija tan-netwerk imnaqqas hija rekwiżit kritiku tal-5G; jenfasizza li dan l-element huwa kruċjali biex inaqqas l-ispejjeż operattivi, jiffaċilita l-konnettività tan-netwerk f'żoni rurali u remoti u jipprovdi aċċess għan-netwerk b'mod sostenibbli u effiċjenti f'termini ta' riżorsi;

38.

Jenfasizza li l-introduzzjoni tal-5G teħtieġ it-titjib sinifikanti tan-netwerks fissi u d-densifikazzjoni tan-netwerks mobbli bi qbil mal-objettivi tas-soċjetà tal-gigabits, speċjalment għal soluzzjonijiet għas-saħħa elettronika;

39.

Jenfasizza li s-settur awdjoviżiv huwa wieħed mill-muturi ewlenin għas-suċċess tal-5G fl-Ewropa, billi jipprovdi impjiegi u tkabbir ekonomiku, u li l-progress tiegħu jista' jagħmel impatt qawwi u pożittiv fuq il-katina tal-valur tal-midja awdjoviżiva, inklużi l-produzzjoni tal-kontenut, l-innovazzjoni tiegħu, id-distribuzzjoni tiegħu u l-ambjent tal-utent; jistieden lill-Kummissjoni u lil-Istati Membri, għalhekk, iqisu l-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet ta' dan is-settur, b'mod partikolari dawk relatati max-xandir;

40.

Jinnota li ladarba l-vetturi jiġu konnessi man-netwerk, dawn isiru konsistentement aktar sikuri (b'inqas inċidenti), aktar ekoloġiċi (b'inqas emissjonijiet) u jikkontribwixxu għal xejriet ta' vvjaġġar aktar prevedibbli; jappoġġja, għaldaqstant, l-idea li tiġi introdotta mira għall-UE kollha biex il-vetturi kollha disponibbli fis-suq tal-UE jiġu konnessi mal-5G u biex abbord ikollhom it-tagħmir ta' sistema ta' trasport intelliġenti; jappoġġja bis-sħiħ l-objettiv li jiġu introdotti ambulanzi u vetturi ta' emerġenza oħra (karozzi tal-pulizija, vetturi għat-tifi tan-nar) bi stazzjon bażi li taħdem bil-5G biex ikollhom kopertura kontinwa u mingħajr interruzzjoni matul l-interventi;

41.

Jinnota l-benefiċċji ta' kopertura tal-5G affidabbli u mingħajr interruzzjonijiet għas-sikurezza fit-toroq, li tippermetti mezzi ta' kontroll konnessi u diġitali, bħal takografi intelliġenti u dokumenti elettroniċi, għal vetturi tqal tal-merkanzija;

42.

Jemmen li l-5G għandu jippermetti servizzi affordabbli u ta' kwalità għolja ġodda, jgħaqqad l-industriji ġodda u finalment ittejjeb l-esperjenza tal-klijenti għal utenti diġitali dejjem aktar sofistikati u esiġenti; jenfasizza li l-5G jista' joffri soluzzjonijiet għall-isfidi soċjetali importanti permezz tal-kapaċità tiegħu li jnaqqas b'mod sinifikanti l-użu tal-enerġija tal-apparati mobbli u permezz tal-potenzjal tiegħu li jittrasforma s-setturi bħas-saħħa u t-trasport;

43.

Jilqa' l-Fond tal-Broadband Nikkollegaw l-Ewropa, fond għall-infrastruttura tal-broadband miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-Banek u l-Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali u tal-investituri privati, li se jkun pass ieħor 'il quddiem biex isiru investimenti fl-infrastruttura f'żoni rurali u remoti inqas popolati u li mhumiex moqdija biżżejjed;

44.

Jikkunsidra li l-iżvilupp u t-titjib tal-ħiliet diġitali huwa kruċjali u jenħtieġ li jitwettaq permezz ta' investiment kbir fl-edukazzjoni – inkluż taħriġ vokazzjonali, intraprenditorjali u t-taħriġ ulterjuri, kif ukoll it-taħriġ mill-ġdid – u permezz tal-parteċipazzjoni komprensiva tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-sħab soċjali, bi tliet objettivi ewlenin: li jinżammu u jinħolqu impjiegi teknoloġiċi permezz tat-taħriġ ta' forza tax-xogħol b'ħiliet ta' livell għoli, biex jappoġġjaw liċ-ċittadini biex jieħdu f'idejhom il-kontroll tal-eżistenza diġitali tagħhom billi jingħataw l-għodod meħtieġa u biex itemmu l-illitteriżmu diġitali, li hija kawża tad-distakk u l-esklużjoni diġitali;

45.

Iqis li l-Unjoni jenħtieġ li tistabbilixxi u tagħmel disponibbli kurrikuli ta' żvilupp ta' ħiliet tal-5G bi sħab mal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) Digital, b'enfasi fuq in-negozji ġodda u SMEs sabiex huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-introduzzjoni tal-5G;

46.

Jenfasizza li l-iżvilupp ta' netwerks tal-5G se jrawwem bidliet teknoloġiċi rapidi li se jippermettu l-iżvilupp sħiħ tal-industrija diġitali, tat-tekonolġiji intelliġenti, tal-Internet tal-Oġġetti u ta' sistemi ta' manifattura avvanzati;

47.

Jenfasizza l-importanza tal-5G, li jippermetti t-tmexxija globali Ewropea fl-għoti ta' infrastruttura ta' riċerka ta' livell għoli, li tista' tbiddel lill-Ewropa f'ċentru għal riċerka eċċellenti;

III.    Approċċ ta' politika

48.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa fl-istrumenti ta' finanzjament (FEIS, CEF) allokati biex jiffinanzjaw l-objettivi strateġiċi għall-konnettività tal-gigabits sal-2025;

49.

Jenfasizza li d-deċiżjonijiet kollha relatati mas-Suq Uniku Diġitali, inklużi l-allokazzjoni tal-ispettru, il-miri tal-konnettività u l-introduzzjoni tal-5G iridu jiġu fformulati skont il-ħtiġijiet futuri u kif is-suq huwa mistenni li jiżviluppa matul l-10-15-il sena li ġejjin; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-iżvilupp b'suċċess tal-5G se jkun essenzjali għall-kompetittività ekonomika, li tista' tintlaħaq biss permezz ta' leġiżlazzjoni Ewropea li timmira fil-bogħod u koordinazzjoni ta' politika;

50.

Jenfasizza li l-politiki dwar is-soċjetà tal-gigabits u l-5G jenħtieġ li jkunu proporzjonati, riveduti ta' spiss u konformi mal-“Prinċipju ta' Innovazzjoni”, sabiex l-effetti potenzjali fuq l-innovazzjoni jkunu parti mill-valutazzjoni tal-impatt;

51.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, tmantni u tiżviluppa finanzjament fuq żmien fit-tul għall-Pjan ta' Azzjoni tal-5G u l-modernizzazzjoni tan-netwerk fil-livell xieraq fi ħdan l-orizzont tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2020-2027 li jmiss u b'mod partikolari l-Qafas RTD&I li jmiss; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn id-dinja akkademika, l-istituzzjonijiet tar-riċerka, is-settur privat u s-settur pubbliku għar-riċerka u l-iżvilupp rigward il-komunikazzjonijiet mobbli tal-5G; jiġbed l-attenzjoni għall-PPP tal-5G bħala eżempju pożittiv f'dan ir-rigward; jirrimarka li, skont il-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġu investiti EUR 500 biljun fl-għaxar snin li ġejjin biex jintlaħqu l-objettivi tal-konnettività, għalkemm hija tistma wkoll li hemm nuqqas ta' investiment ta' EUR 155 biljun; huwa tal-fehma, għaldaqstant, li jeħtieġ li tingħata l-ogħla prijorità biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed investiment immexxi mill-kompetizzjoni għat-twettiq tal-infrastruttura diġitali, peress li dan it-twettiq huwa ta' importanza fundamentali sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tal-iżvilupp tat-teknoloġija tal-5G;

52.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jimplimentaw b'ħeffa d-dispożizzjonijiet fid-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (4), bil-għan li jiżguraw livell adegwat ta' sigurtà huma u jagħmlu dan il-pjan effiċjenti u sostenibbli;

53.

Jemmen li l-aħjar perkors lejn is-soċjetà tal-gigabits jinsab f'approċċ li jibqa' validu fil-futur, favur il-kompetizzjoni u newtrali f'termini teknoloġiċi, u appoġġjat minn firxa wiesgħa ta' mudelli ta' investiment bħal investimenti pubbliċi privati jew koinvestimenti; jinnota li l-koinvestiment u forom oħra ta' investiment kollaborattiv u arranġamenti ta' aċċess kummerċjali fuq żmien fit-tul għal netwerks b'kapaċità għolja ħafna jistgħu jgħinu sabiex jiġbru riżorsi, jippermettu oqfsa flessibli differenti u jbaxxu l-ispejjeż tal-installazzjoni;

54.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ il-Pjan ta' Azzjoni tal-5G permezz ta' azzjonijiet koerenti, inklużivi u f'waqthom fir-reġjuni u l-bliet sabiex titħeġġeġ u tiġi inċentivata l-innovazzjoni transsettorjali u jitrawwem qafas ekonomiku kooperattiv fl-industrija kollha;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu minn ta' quddiem fil-promozzjoni ta' interoperabbiltà tal-5G intersettorjali, interlingwistika u transfruntiera u jappoġġjaw servizzi siguri, affidabbli u favur il-privatezza, billi l-industrija u s-soċjetà b'mod ġenerali qed isiru dejjem aktar dipendenti fuq l-infrastruttura diġitali għan-negozju u s-servizzi tagħhom, u biex jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi nazzjonali ekonomiċi u ġeografiċi speċifiċi bħala parti integrali minn strateġija komuni;

56.

Jitlob li jissaħħew l-isforzi favur l-istandardizzazzjoni bil-għan li jiġi żgurat li l-Ewropa jkollha rwol ewlieni fl-istabbiliment ta' standards tat-teknoloġija li jippermettu l-introduzzjoni ta' netwerks u servizzi tal-5G; jemmen li l-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni jenħtieġ li jkollhom rwol speċjali f'dan il-proċess; jinnota li kull settur jenħtieġ li jfassal il-pjan direzzjonali tiegħu għall-istandardizzazzjoni, filwaqt li jibbaża ruħu fuq proċessi mmexxija mill-industrija, b'rieda qawwija sabiex jikseb standards komuni li jista' jkollhom il-potenzjal li jsiru standards dinjija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinċentivaw investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u l-istandardizzazzjoni Ewropea;

57.

Jenfasizza li l-5G għandu l-potenzjal li jirrevoluzzjona l-aċċess għall-kontenut u t-tixrid tiegħu u li jsaħħaħ b'mod sostanzjali l-esperjenza tal-utent, filwaqt li fl-istess ħin jippermetti l-iżvilupp ta' forom ġodda ta' kontenut kulturali u kreattiv; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' miżuri effettivi biex jiġġieldu l-piraterija, u approċċ komprensiv biex jittejjeb l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex jiġu żgurati rotot ta' aċċess faċli għal kontenut legali għall-konsumaturi;

58.

Iħeġġeġ ferm l-esperimentazzjoni miżjuda bit-teknoloġiji tal-5G; jappoġġja l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet integrati u testijiet segwiti minn provi transindustrijali ta' proġetti pilota fuq skala kbira b'risposta għad-domanda għal servizzi fis-soċjetà tal-gigabits; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm biżżejjed baned tal-frekwenzi mhux liċenzjati biex jistimulaw l-esperimenti magħmula mill-industrija; jitlob lill-Kummissjoni tqis l-istabbiliment ta' mira konkreta u attraenti bħala qafas għall-esperimentazzjoni tas-settur privat bit-teknoloġiji u l-prodotti 5G;

59.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu l-linji gwida tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni mir-Radjazzjoni Mhux Jonizzanti (ICNIRP) formalment rikonoxxuti mid-WHO, sabiex jiġu evitati l-inkonsistenza u l-frammentazzjoni u jiġu żgurati kundizzjonijiet konsistenti tal-implimentazzjoni tan-netwerks bla fili għas-Suq Uniku Diġitali Ewropew;

60.

Jenfasizza li l-iżvilupp tas-soċjetà tal-gigabits jeħtieġ regoli ċari u komuni tal-UE li jkunu orjentati lejn il-futur u favur il-kompetizzjoni, sabiex ikun mutur għall-investiment u l-innovazzjoni u biex tiġi ppreservata l-affordabbiltà u l-għażla tal-konsumaturi; jenfasizza li l-kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura toffri l-potenzjal għal regolamentazzjoni effiċjenti u tippermetti redditu fit-tul ġust fuq l-investimenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi għall-aċċess għal infrastruttura fiżika;

61.

Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi stabbilit ambjent favur l-innovazzjoni għas-servizzi diġitali, speċjalment fil-qasam tal-big data u l-IoT, li jżid l-għażliet tal-konsumaturi filwaqt li jżid il-fiduċja u jippromwovi l-użu tas-servizzi diġitali, permezz ta' regoli effiċjenti u ssimplifikati, filwaqt li jiffoka fuq il-bżonnijiet tal-utenti u l-karatteristiċi tas-servizzi, irrispettivament mit-tip ta' fornitur;

62.

Jenfasizza li l-Pjanijiet Nazzjonali għall-Broadband jeħtieġ li jiġu rieżaminati u, fejn ikun xieraq, jiġu riveduti bir-reqqa, jimmiraw l-oqsma tal-5G kollha, iżommu approċċ kompetittiv ta' teknoloġiji multipli, jappoġġjaw iċ-ċertezza regolatorja u jimmassimizzaw il-kamp ta' applikazzjoni tal-innovazzjoni u l-kopertura, u waħda mill-miri għandha tkun li jitnaqqas id-distakk diġitali;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-Pjanijiet Nazzjonali għall-Broadband sabiex tidentifika l-lakuni, u sabiex tifformula rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għal aktar azzjoni;

64.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Qafas Parteċipatorju għall-Broadband sabiex tiżgura l-involviment ta' livell għoli ta' entitajiet pubbliċi u privati kif ukoll awtoritajiet lokali u reġjonali;

65.

Jenfasizza li l-iżgurar tal-aċċess għall-internet u l-garanzija ta' konnettività tal-internet b'veloċità qawwija, affidabbli u b'livelli baxxi ta' latenza u ta' jitter baxxi huma essenzjali għall-proċess ta' diġitizzazzjoni u l-katina tal-valur fis-settur tat-turiżmu, kif ukoll għall-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji tat-trasport bħas-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti Kooperattivi (C-ITS), is-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) u s-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS);

66.

Ifakkar li l-SMEs jibbenefikaw ħafna mill-aċċess kompetittiv għal soluzzjonijiet tal-5G; jistieden lill-Kummissjoni tagħti dettalji tal-pjanijiet ta' azzjoni tagħha sabiex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-SMEs u tan-negozji ġodda fl-esperimentazzjoni b'teknoloġiji 5G u biex tiżguralhom l-aċċess għall-Pjattaforma Parteċipatorja għall-Broadband tal-5G;

67.

Jappoġġja l-inizjattivi fuq livell tal-UE li jiżguraw koordinazzjoni akbar tal-ispettru bejn l-Istati Membri u żminijiet tal-liċenzja fuq perjodi fit-tul, li se jżidu l-istabbiltà u ċ-ċertezza tal-investimenti; jinnota li d-deċiżjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet jenħtieġ li jittieħdu fl-istess ħin fl-Istati Membri kollha sabiex tiġi adottata gwida vinkolanti dwar ċerti kundizzjonijiet tal-proċess ta' assenjazzjoni, bħall-iskadenzi għall-allokazzjoni tal-ispettru, il-kondiviżjoni tal-ispettru u l-irkanti organizzati b'mod konġunt, bl-ambizzjoni li jiġu promossi n-netwerks trans-Ewropej; jiġbed l-attenzjoni li n-natura kompetittiva tas-swieq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli fl-Unjoni Ewropea hija kruċjali fil-qalba ġenerazzjonali għall-5G;

68.

Jistieden lill-UE tikkoordina l-isforzi fi ħdan l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) sabiex tiżgura li jkun hemm politika tal-UE koerenti; jenfasizza li l-ħtiġijiet ta' armonizzazzjoni tal-ispettru Ewropew għall-5G wara l-2020 jenħtieġ li jiġu finalizzati qabel il-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni tal-2019 (WRC-19), bi protezzjoni xierqa tas-servizzi eżistenti li fuqhom ninsabu dipendenti llum u bi qbil mad-deċiżjonijiet meħuda waqt il-WRC-15;

69.

Jenfasizza li d-definizzjoni tan-netwerks VHC stipulati fil-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għandha tikkonforma mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika sakemm it-teknoloġiji jissodisfaw il-bżonnijiet għall-kwalità tas-servizzi tan-netwerk li l-applikazzjonijiet industrijali u dawk tal-konsumatur se jkollhom bżonn fil-futur;

70.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rieżami tal-progress annwali u tfassal rakkomandazzjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-5G, u tinforma lill-Parlament bir-riżultati;

o

o o

71.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1)  ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0009.

(3)  ĠU L 179, 29.6.2013, p. 1.

(4)  ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/154


P8_TA(2017)0235

Protezzjoni ta' adulti vulnerabbli

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli (2015/2085(INL))

(2018/C 307/24)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 67(4) u l-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha li jiggarantixxi lil kulħadd id-dritt għall-integrità fiżika u mentali, u l-Artikolu 21 tagħha dwar in-nondiskriminazzjoni,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni legali tal-adulti: implikazzjonijiet transkonfinali (1),

wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-valur miżjud Ewropew ta' Settembru 2016 imħejjija mis-servizz ta' riċerka tal-Parlament Ewropew (PE 581.388),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' The Hague tat-13 ta' Jannar 2000 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti (“il-Konvenzjoni ta' The Hague”),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (“il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità”),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Nru R (99) 4 tat-23 ta' Frar 1999 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prinċipji li jikkonċernaw il-protezzjoni legali ta' adulti inkapaċi (aktar 'il quddiem imsejħa r-“Rakkomandazzjoni Nru R (99) 4 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa”),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2009)11 tad-9 ta' Diċembru 2009 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prinċipji li jikkonċernaw il-prokuri permanenti u t-testment bijoloġiku marbuta mal-inkapaċità (aktar 'il quddiem imsejħa r-“Rakkomandazzjoni CM/Rec(2009)11 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa”),

wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0152/2017),

A.

billi huwa essenzjali li l-Unjoni toqrob lejn iċ-ċittadini tagħha u tittratta suġġetti li jikkonċernawhom direttament, filwaqt li jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, mingħajr diskriminazzjoni jew esklużjoni;

B.

billi l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli li jeżerċitaw il-libertà ta' moviment tagħhom fl-Unjoni hija, f'dan il-każ, kwistjoni ta' natura transkonfinali, li konsegwentement, jaffettwa lill-Istati Membri kollha; billi din il-kwistjoni turi l-importanza tar-rwol li l-Unjoni u l-Parlament tagħha għandhom jiżvolġu biex iwieġbu għall-problemi u għad-diffikultajiet li ċ-ċittadini Ewropej jiffaċċjaw fl-implimentazzjoni tad-drittijiet tagħhom, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet transfruntiera;

C.

billi l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli hija marbuta mill-qrib mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi kull adult vulnerabbli għandu jitqies, bħal kull ċittadin Ewropew, bħala detentur ta' drittijiet u li huwa kapaċi jieħu deċiżjonijiet liberi, indipendenti u informati fil-limiti tal-kapaċità tiegħu, u mhux sempliċiment bħala benefiċjarju passiv ta' kura u ta' attenzjoni;

D.

billi l-vulnerabilità tal-adulti u d-diversi regolamenti dwar il-protezzjoni legali tagħhom m'għandhomx ikunu ta' ostakolu għad-dritt għall-moviment liberu tal-persuni;

E.

billi l-evoluzzjoni demografika u l-estensjoni tat-tul tal-ħajja wasslu għal żieda fl-għadd ta' persuni anzjani li ma jkunux f'qagħda li jipproteġu l-interessi tagħhom minħabba mard marbut mal-età; billi hemm ukoll ċirkustanzi oħra li huma, mhux relatati mal-età, bħal diżabilitajiet mentali u fiżiċi, u li jistgħu jkunu wkoll instrinsiċi, u li fihom tista' tixxekkel il-kapaċità ta' kwalunkwe persuna adulta li tipproteġi l-interessi tagħha;

F.

billi l-problemi kibru minħabba l-moviment li qed jiżdied bejn l-Istati Membri tal-persuni espatrijati u rtirati, fosthom persuni vulnerabbli jew li jistgħu jsiru vulnerabbli;

G.

billi jeżistu diskrepanzi bejn il-dispożizzjonijiet legali tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, tal-liġi applikabbli, tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni tal-adulti; billi d-differenza fil-liġijiet applikabbli u l-kwantità kbira ta' ġurisdizzjonijiet kompetenti jistgħu jxekklu d-dritt tal-adulti vulnerabbli għall-moviment liberu u għar-residenza fl-Istat Membru tal-għażla tagħhom, kif ukoll li jkollhom protezzjoni xierqa għall-proprjetà tagħhom fejn din il-proprjetà tkun tinsab f'aktar minn pajjiż wieħed;

H.

billi jeżistu wkoll differenzi bejn id-dispożizzjonijiet legali tal-Istati Membri fil-qasam tal-miżuri ta' protezzjoni, u dan minkejja l-progress li sar f'dan il-qasam b'segwitu għar-Rakkomandazzjoni Nru R (99) 4 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa;

I.

billi l-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi li dan ir-Regolament ma japplikax għall-istatus u l-kapaċità legali ta' persuni fiżiċi;

J.

billi l-Konvenzjoni ta' The Hague tikkostitwixxi sett ta' regoli tad-dritt internazzjonali privat partikolarment xieraq biex iwieġeb għall-problemi transkonfinali li jikkonċernaw lill-adulti vulnerabbli; billi minkejja ż-żmien li għadda sa mill-adozzjoni ta' dik il-Konvenzjoni, ftit biss mill-Istati Membri rratifikawha diġà; billi dan id-dewmien fir-ratifika tal-Konvenzjoni jikkomprometti l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli f'sitwazzjoni transkonfinali fl-Unjoni; billi għalhekk huwa indispensabbli, għall-finijiet ta' effettività, li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex tiġi garantita l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli f'sitwazzjoni transkonfinali;

K.

billi adult vulnerabbli huwa persuna li laħqet l-età ta' 18-il sena u li, minħabba deterjorament jew insuffiċjenza tal-kapaċitajiet personali tagħha, ma tistax tipproteġi l-interess tagħha u l-affarijiet personali u/jew proprjetà personali, kemm jekk b'mod temporanju jew b'mod permanenti;

L.

billi jeħtieġ li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; billi l-Unjoni u l-Istati Membri huma kollha partijiet għal din il-Konvenzjoni;

M.

billi f'konformità mal-politiki tagħha, l-Unjoni għandha tiżgura li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jiġu mħarsa;

N.

billi l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli għandha tkun intiża prinċipalment biex tiggarantixxi ċ-ċirkolazzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri ta' miżuri ta' protezzjoni meħuda favur adult vulnerabbli mill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor, inkluż it-tixrid u r-rikonoxximent tal-mandati, kif ukoll biex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan ir-rigward;

O.

billi t-terminu “miżuri ta' protezzjoni” għandu jirreferi b'mod partikolari għall-miżuri previsti mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta' The Hague;

P.

billi t-terminu “mandat ta' inkapaċità” għandu jfisser is-setgħat ta' rappreżentanza mogħtija minn adult kapaċi, kemm permezz ta' ftehim kif ukoll permezz ta' att unilaterali, li jidħol fis-seħħ meta dan l-adult ma jibqax kapaċi jipproteġi l-interessi tiegħu;

Q.

billi informazzjoni ċara u preċiża dwar il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali relatati mal-inkapaċità u l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli għandha tkun aktar ċara u aktar aċċessibbli faċilment għaċ-ċittadini sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ċari waħedhom;

R.

billi aċċess fi żmien debitu mill-awtoritajiet amministrattivi u legali differenti kkonċernati għall-informazzjoni relatata mas-sitwazzjoni legali tal-adulti li jkunu soġġetti għal miżura ta' protezzjoni jew mandat ta' inkapaċità jista' jtejjeb u jsaħħaħ il-protezzjoni ta' dawn il-persuni;

S.

billi l-ħolqien ta' fajls jew reġistri f'kull Stat Membru li jelenkaw id-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji li jippreskrivu miżuri ta' protezzjoni favur adult vulnerabbli, kif ukoll il-mandati ta' inkapaċità, meta dawn il-mandati jkunu previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jista' jiffaċilita l-aċċess fi żmien debitu mill-awtoritajiet amministrattivi u legali kollha kkonċernati għall-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni legali tal-adulti f'sitwazzjoni ta' vulnerabilità u jiggarantixxi ċertezza tad-dritt akbar; billi l-kunfidenzjalità ta' dawn il-fajls jew ir-reġistri għandha tiġi ggarantita kif xieraq, f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali;

T.

billi l-miżuri ta' protezzjoni meħuda mill-awtoritajiet ta' Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ fl-Istati Membri l-oħra; billi, minkejja dak li ntqal hawn fuq, jista' jkun meħtieġ li jiġu introdotti raġunijiet għar-rifjut ta' rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' miżura ta' protezzjoni; billi r-raġunijiet, ċirkoskritti kif xieraq, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jużaw għal rifjut ta' rikonoxximent u applikazzjoni ta' miżura ta' protezzjoni li jieħdu awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor għandhom ikunu limitati għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku fl-Istat rikjest;

U.

billi jistgħu jiġu introdotti mekkaniżmi effettivi biex jiġu żgurati r-rikonoxximent, ir-reġistrazzjoni u l-użu ta' mandati ta' inkapaċità fl-Unjoni kollha; billi għandha tinħoloq formola unika ta' mandat ta' inkapaċità fil-livell tal-Unjoni sabiex tiggarantixxi li l-mandati ta' inkapaċità jkunu effettivi fl-Istati Membri kollha;

V.

billi għandhom jiġu implimentati formoli uniċi għall-Unjoni sabiex jippromwovu l-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet ta' protezzjoni tal-adulti vulnerabbli kif ukoll dwar iċ-ċirkolazzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' dawk id-deċiżjonijiet; billi ċ-ċertezza legali tirrikjedi li kull persuna li tiġi fdata bil-protezzjoni tal-persuna jew tal-beni ta' adult vulnerabbli tista' tikseb, fuq talba tagħha u fi żmien raġonevoli, ċertifikat li jindika l-kwalità tagħha, l-istatus tagħha u s-setgħat mogħtija lilha;

W.

billi deċiżjoni meħuda fi Stat Membru u li hija eżegwibbli f'dak l-Istat Membru għandha tkun eżegwibbli fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa dikjarazzjoni li tikkonstata l-eżegwibilità ta' din id-deċiżjoni;

X.

billi jkun xieraq li jiġu implimentati mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jippromwovu u jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll it-trażmissjoni u l-iskambju ta' informazzjoni li tikkonċerna lill-adulti vulnerabbli; billi l-ħatra ta' awtorità ċentrali minn kull Stat Membru, bħal dik prevista mill-Konvenzjoni ta' The Hague, tista' tikkontribwixxi b'mod xieraq għal dan l-objettiv;

Y.

billi ċerti miżuri ta' protezzjoni previsti mill-awtoritajiet ta' Stat Membru fil-konfront ta' adult vulnerabbli, b'mod partikolari t-tqegħid tal-adult fi stabbiliment li jinsab fi Stat Membru ieħor, jista' jkollhom implikazzjonijiet loġistiċi u finanzjarji għal Stat Membru ieħor; billi, f'dawn il-każijiet, ikun xieraq li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati sabiex dawn ikunu jistgħu jiftiehmu dwar l-opportunità ta' qsim tal-ispejjeż marbuta mal-miżura ta' protezzjoni kkonċernata;

Z.

billi l-eżistenza ta' awtoritajiet ċentrali m'għandhiex iżżomm lill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istati Membri milli jikkomunikaw direttament bejniethom meta jqisu li din il-komunikazzjoni tkun aktar effettiva;

AA.

billi ż-żmien li għadda sa mill-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 kellu jippermetti lill-Kummissjoni tikseb biżżejjed informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta' The Hague fl-Istati Membri li rratifikawha u tfassal ir-rapport mitlub mill-Parlament Ewropew f'dik ir-Riżoluzzjoni.

1.

Jifraħ lil dawk l-Istati Membri li ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni ta' The Hague, u jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ffirmawhiex jew ma rratifikawhiex, sabiex jagħmlu dan malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-Kummissjoni biex teżerċita pressjoni politika fuq il-Kunsill u l-Istati Membri bil-ħsieb li jiżdied in-numru ta' ratifiki sal-aħħar tal-2017;

2.

Jinnota li l-proposta għal Regolament li hija s-suġġett tar-rakkomandazzjonijiet ipprovduti fl-Anness mhijiex se tieħu post il-Konvenzjoni ta' The Hague, iżda se tappoġġaha, u se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jirratifikaw din il-Konvenzjoni u biex jimplimentawha;

3.

Jinnota li l-protezzjoni ta' adulti vulnerabbli, inkluż dawk b'diżabilità, tirrikjedi sett komprensiv ta' azzjonijiet speċifiċi u mmirati;

4.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri ta' protezzjoni previsti mid-dritt nazzjonali tagħhom ikunu jistgħu jiġu adattati biżżejjed għal kull adult vulnerabbli, b'mod li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jieħdu miżuri ta' protezzjoni individwali proporzjonati f'dan is-sens, biex b'hekk jevitaw li ċittadini tal-Unjoni jkunu mċaħħda mid-drittijiet li għadhom kapaċi jeżerċitaw; jinnota li f'ħafna mill-każijiet ta' persuni b'diżabilità l-inkapaċità legali hija minħabba d-diżabilità u mhux minħabba l-età;

5.

Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-adulti kollha li huma vulnerabbli mhux neċessarjament ikunu hekk minħabba l-età avvanzata tagħhom u jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jissaħħu l-protezzjoni legali u d-drittijiet mhux biss tal-adulti anzjani vulnerabbli, iżda wkoll dawk tal-adulti li huma jew li saru vulnerabbli li ma jinsabux f'qagħda li jipproteġu l-interessi tagħhom stess minħabba diżabilità mentali u/jew fiżika serja; iqis f'dan ir-rigward li jkun estremament utli li jiġu stabbiliti proċeduri għall-iskambju l-paragun tal-prattiki tajbin fost l-Istati Membri, filwaqt li jittieħdu forom ta’ protezzjoni u garanzija bħala punt ta’ bidu;

6.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-awtodeterminazzjoni tal-adulti permezz tal-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni fid-dritt nazzjonali tagħhom dwar mandati ta' inkapaċità, li tiġi ispirata mill-prinċipji li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2009)11 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa;

7.

Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-adulti vulnerabbli l-aktar żvantaġġjati u jdaħħlu miżuri fis-seħħ li għandhom l-għan li jiżguraw li dawn l-adulti ma jsofrux diskriminazzjoni b'riżultat tal-kundizzjoni tagħhom; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri li jirrikonoxxu l-mandat ta' inkapaċità fil-leġiżlazzjoni tagħhom, jew li jiddeċiedu li jintroduċuh, biex fis-sistema ġuridika tagħhom ma jipprevedux spejjeż jew formalitajiet li jistgħu jxekklu b'mod mhux raġonevoli lill-adulti f'sitwazzjoni żvantaġġjata milli jibbenefikaw minn mandat ta' inkapaċità, irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom;

8.

Jitlob lill-Kummissjoni tibda, iżżomm u tiffinanzja proġetti intiżi għas-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri relatata mal-adulti vulnerabbli u mal-miżuri ta' protezzjoni li jikkonċernawhom; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri u azzjonijiet xierqa biex jipprovdu lill-persuni kollha fit-territorju tagħhom l-informazzjoni faċilment aċċessibbli u suffiċjenti dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, kif ukoll dwar is-servizzi disponibbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli;

9.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tatx segwitu għat-talba tal-Parlament biex tippreżenta rapport fi żmien debitu lill-Parlament u lill-Kunsill li jelenka l-problemi ffaċċjati u l-aħjar prattiki osservati għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' The Hague, li kellu jkun fih ukoll proposti għal miżuri tal-Unjoni li jikkompletaw jew jippreċiżaw il-mod kif għandha tiġi applikata l-Konvenzjoni; iqis li dak ir-rapport seta' jindirizza l-problemi ta' natura prattika ffaċċjati mill-Kummissjoni biex tiġbor l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' The Hague;

10.

Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill, qabel il-31 ta' Marzu 2018, fuq il-bażi tal-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal regolament intiż biex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll biex itejjeb ir-rikonoxximent sħiħ u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli u l-mandati ta' inkapaċità, filwaqt li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-anness;

11.

Jinnota li r-rakkomandazzjonijiet huma konsistenti mad-drittijiet fundamentali u l-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jiġu espressi, fost l-aħjar prattiki nazzjonali, ir-riżultati tax-xogħol imwettaq mill-komunitajiet lokali u mill-awtoritajiet lokali;

12.

Hu tal-fehma li l-proposta mitluba m'għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-annessi lill-Kummissjoni, lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 71.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

A.   PRINĊIPJI U OBJETTIVI TAL-PROPOSTA

1.

Tippromwovi l-informazzjoni rigward deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji relatati mal-adulti vulnerabbli li jkunu soġġetti għal miżuri ta' protezzjoni kif iddefiniti mill-Konvenzjoni ta' The Hague tat-13 ta' Jannar 2000 dwar il-protezzjoni internazzjonali ta' adulti, kif ukoll tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' dawk id-deċiżjonijiet.

2.

Timplimenta fajls dwar jew reġistri nazzjonali li jelenkaw, fuq naħa waħda, id-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji rigward il-miżuri ta' protezzjoni tal-adulti vulnerabbli u, min-naħa l-oħra, fejn dawn jeżistu, il-mandati rilevanti ta' inkapaċità, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u jiġu ffaċilitati ċ-ċirkolazzjoni u l-aċċess rapidu mill-awtoritajiet u l-qrati kompetenti għall-informazzjoni relatata mas-sitwazzjoni legali tal-persuni li jkunu soġġetti għal miżuri ta' protezzjoni.

3.

Timplimenta miżuri speċifiċi u xierqa maħsuba biex jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, billi tibbaża fuq l-għodod imqiegħda għad-dispożizzjoni mill-Konvenzjoni ta' The Hague, b'mod partikolari t-twaqqif ta' awtoritajiet ċentrali li jkunu inkarigati mill-faċilitazzjoni tal-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mill-koordinazzjoni tat-trażmissjoni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji relatati mal-adulti li jkunu soġġetti għal miżuri ta' protezzjoni.

4.

Tiżgura li l-qsim ta' informazzjoni relatata mal-istatus ta' protezzjoni tal-adulti vulnerabbli bejn l-Istati Membri, kif ukoll l-aċċess għall-fajls u r-reġistri tal-miżuri ta' protezzjoni u tal-mandati ta' inkapaċità, isiru b'mod li jiggarantixxi skrupulożament ir-rispett għall-prinċipju ta' kunfidenzjalità u għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali tal-adulti kkonċernati.

5.

Timplimenta formoli uniċi tal-Unjoni maħsuba biex jippromwovu l-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji relatati mal-adulti vulnerabbli, kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom. Il-Kummissjoni tista' tispira ruħha mill-mudelli ta' formoli rrakkomandati mill-Kumitat Speċjali Diplomatiku tal-Konferenza ta' The Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fl-atti tas-seduta ta' Settembru-Ottubru 1999 relatati mal-protezzjoni tal-adulti.

6.

Tirrikonoxxi lil kull persuna li tiżgura l-protezzjoni tal-persuna jew tal-beni ta' adult vulnerabbli d-dritt li tikseb mill-awtoritajiet kompetenti, u fi żmien raġonevoli, ċertifikat li jkun validu fl-Istati Membri kollha li jindika l-kwalità tagħha u s-setgħat mogħtija lilha.

7.

Tippromwovi r-rikonoxximent awtomatiku fl-Istati Membri ta’ miżuri ta' protezzjoni meħuda mill-awtoritajiet ta' Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-introduzzjoni, b'eċċezzjoni u f'konformità mal-Artikoli 3 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għal garanziji legali tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku fl-Istati Membri rikjesti li jirrikonoxxu tali miżuri ta’ protezzjoni, li jippermettu lil dawk l-Istati li jiġġustifikaw in-nuqqas ta' rikonoxximent u eżekuzzjoni tal-imsemmija miżuri.

8.

Tippromwovi l-eżekuzzjoni fl-Istati Membri ta’ miżuri ta' protezzjoni meħuda mill-awtoritajiet ta' Stat Membru, mingħajr ma tkun meħtieġa dikjarazzjoni li tikkonstata l-eżegwibilità ta' dawn il-miżuri.

9.

Tippromwovi l-konsultazzjoni u l-qbil bejn l-Istati Membri f’każijiet meta l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni prevista mill-awtoritajiet ta' Stat Membru jista' jkollha implikazzjonijiet loġistiċi u finanzjarji għal Stat Membru ieħor, sabiex l-Istati Membri kkonċernati jkunu jistgħu jiftiehmu dwar il-qsim tal-ispejjeż marbuta mal-miżura ta' protezzjoni. Il-konsultazzjoni u l-qbil għandhom iseħħu dejjem fl-interess tal-adult vulnerabbli kkonċernat u fir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tiegħu jew tagħha. L-awtoritajiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti miżuri alternattivi, bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni finali tibqa' l-kompetenza ta' din tal-aħħar.

10.

Timplimenta formoli uniċi ta' mandat ta' inkapaċità sabiex tippromwovi l-użu ta' dawn il-mandati mill-persuni interessati, il-kunsens infurmat sew li għandu jiġi vverifikat mill-awtoritajiet rilevanti, u tiżgura ċ-ċirkolazzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' dawn il-mandati.

B.   AZZJONIJIET LI GĦANDHOM JIĠU PROPOSTI

1.

Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, qabel il-31 ta' Marzu 2018, fuq il-bażi tal-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal regolament intiż biex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli u l-mandati ta' inkapaċità.

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/161


P8_TA(2017)0239

Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022 (Riżoluzzjoni)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022 (2017/2702(RSP))

(2018/C 307/25)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018–2022 (14423/2016),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0528/2016),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0177/2017), imressqa skont l-Artikolu 99(1) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Multiannwali għall-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali għall-2013-2017 (10449/2012 – C7-0169/2012 – 2011/0431(APP)) (1),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2015 (2),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2017 dwar Qafas Multiannwali għall-2018-2022 għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha biex tiggarantixxi d-drittijiet proklamati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

B.

billi l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Multiannwali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022, ippreżentat lill-Parlament għall-approvazzjoni, jinkludi tmien oqsma tematiċi: il-vittmi ta' kriminalità u l-aċċess għall-ġustizzja; l-ugwaljanza u d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali jew abbażi tan-nazzjonalità; is-soċjetà tal-informazzjoni u, b'mod partikolari, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali; il-kooperazzjoni ġudizzjarja, ħlief fi kwistjonijiet kriminali; il-migrazzjoni, il-fruntieri, l-asil u l-integrazzjoni tar-rifuġjati u l-migranti; ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata; id-drittijiet tat-tfal; u l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tar-Rom b'enfasi fuq l-anti-Żingariżmu;

C.

billi l-inklużjoni tal-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-Qafas Pluriennali ma tirriflettix biss il-bżonnijiet fuq il-post, iżda tippermetti wkoll lill-Aġenzija biex tipprovdi analiżi komprensiva fuq inizjattiva proprja f'oqsma li huma rilevanti b'mod ovvju għad-drittijiet fundamentali, speċjalment fid-dawl ta' żviluppi leġiżlattivi riċenti u li għaddejjin bħalissa fil-livell tal-UE f'dan il-qasam;

D.

billi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali saru parti mil-liġi tal-Unjoni u għaldaqstant huma koperti mill-ambitu tal-kompiti tal-Aġenzija, bħall-oqsma kollha li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007;

E.

billi, anki jekk il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali ma humiex inklużi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Pluriennali, l-Aġenzija se tkun tista' tkompli twettaq il-kompiti tagħha f'dawn l-oqsma fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007;

F.

billi l-istabbiliment tal-Qafas Pluriennali tal-Aġenzija għall-2018-2022 huwa meħtieġ sabiex tkun żgurata l-kontinwità fl-attivitajiet tagħha u billi n-nuqqas ta' Qafas Pluriennali ġdid stabbilit sal-bidu tal-2018 ser ifisser li l-Aġenzija tista' taħdem biss jekk ikun hemm talba speċifika minn istituzzjoni u mhux fuq inizjattiva tagħha stess;

1.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' qbil fil-Kunsill fir-rigward tal-inklużjoni tal-oqsma tematiċi proposti tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-Qafas Pluriennali l-ġdid;

2.

Itenni l-importanza tal-ħidma tal-Aġenzija u r-rwol ewlieni tagħha fil-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali madwar l-UE;

3.

Iqis li wieħed mill-aspetti fundamentali tal-ħidma tal-Aġenzija huwa li tkompli tipprovdi appoġġ relatat mar-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni, u b'hekk tesiġi li l-attivitajiet tal-Aġenzija ma jġarrbux interruzzjoni;

4.

Jilqa' d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill u jinsisti fuq il-ħtieġa li jitjiebu l-proċeduri ta' ħidma għall-governanza u l-funzjonament tal-Aġenzija u biex jiġi ċċarat li l-kompetenzi tal-Aġenzija jinkludu wkoll kwistjonijiet ta' “dak li kien it-tielet pilastru” tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali;

5.

Jieħu nota tal-opinjonijiet diverġenti tal-Kummissjoni u l-Kunsill dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tat-twaqqif tal-Aġenzija, u jistieden liż-żewġ istituzzjonijiet jilħqu ftehim mill-aktar fis possibbli;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni, wara l-evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija fl-2017, tippreżenta proposta għal emendi għar-Regolament (KE) Nru 168/2007 li hija tqis neċessarji sabiex itejbu l-proċeduri għall-governanza u l-funzjonament tal-Aġenzija u biex tallinja r-Regolament mat-Trattat ta' Lisbona, kif previst fl-Artikolu 31(2) ta' dak ir-Regolament;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

(1)  ĠU C 434, 23.12.2015, p. 262.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0485.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/163


P8_TA(2017)0240

Id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea (2016/2271(INI))

(2018/C 307/26)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 173 (Titolu XVII) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirrigwarda l-politika industrijali tal-UE u jirreferi, fost affarijiet oħra, għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni,

wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 11 u 16 tat-TFUE,

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu “Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea – Ingawdu l-benefiċċji kollha ta' Suq Uniku Diġitali” (COM(2016)0180),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu “Inizjattiva tal-Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa” (COM(2016)0178),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu “L-istandards tal-ICT bħala l-Pedament tas-Suq Uniku Diġitali” (COM(2016)0176),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu “Quantum technologies” (SWD(2016)0107),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu “Advancing the Internet of Things in Europe” (SWD(2016)0110),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu “Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta” (COM(2014)0442),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġital” (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 bit-titolu “Politika Industrijali għall-Era Globalizzata” (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020 (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f'dinja li qed tinbidel (4),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2010 bit-titolu “Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni – Il-Kompetittività u s-Sostenibbiltà fix-Xena Prinċipali” (COM(2010)0614),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020 – Strateġija għal Tkabbir Intelliġenti, Sostenibbli u Inklussiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni” (COM(2010)0546),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Lulju 2007 bit-titolu “Reviżjoni tal-politika industrijali ta' nofs it-terminu – Kontribut lejn l-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet” (COM(2007)0374),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (COM(2015)0192), id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100) u l-proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li ġejjin,

wara li kkunsidra l-proposta tal-11 ta' Settembru 2013 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012 (COM(2013)0627),

wara li kkunsidra l-proposta tas-26 ta' Marzu 2013 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja (COM(2013)0147),

wara li kkunsidra l-proposta tas-7 ta' Frar 2013 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiżguraw livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (COM(2013)0048),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu “Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku” (COM(2012)0582),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bit-titolu “Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew” (COM(2014)0014),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bit-titolu “Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid” (COM(2012)0573),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku: Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzart tal-fiduċja” (COM(2011)0206),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku: Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin” (COM(2010)0608),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data” (COM(2017)0009),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar "l-Aġenda Diġitali għat-Tkabbir, il-Mobbiltà u l-Impjieg: wasal iż-żmien li nħaffu l-ħidma tagħna (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 bit-titolu “Il-ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni – kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà dinjija” (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 bit-titolu “Aġenda Diġitali għall-Ewropa: 2015.eu” (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar l-Internet tal-Oġġetti (11),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Lulju 2016, bit-titolu “L-industrija 4.0 u t-trasformazzjoni diġitali: It-triq 'il quddiem”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0183/2017),

A.

billi għandhom jiġu segwiti sforzi enerġetiċi b'politiki, azzjonijiet u inċentivi konkreti biex tiġi industrijalizzata mill-ġdid l-UE u l-Istati Membri tagħha, bl-għan li jingħaqqdu l-kompetittività u s-sostenibbiltà, il-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità u l-inklużività; ifakkar fil-mira tal-UE li 20 % tal-PDG tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq l-industrija sal-2020, li trid neċessarjament tqis it-trasformazzjoni strutturali tas-settur industrijali li tirriżulta mit-tfixkil diġitali u l-emerġenza ta' mudelli ta' negozju ġodda;

B.

billi l-industrija Ewropea tirrappreżenta l-bażi tal-ekonomija u l-ġid Ewropej, u qed tiffaċċja sfidi kbar li jirriżultaw minn proċess mgħaġġel ta' globalizzazzjoni u xejriet ta' innovazzjoni;

C.

billi d-diġitalizzazzjoni tal-manifattura industrijali tgħin fiż-żieda tar-reżiljenza, l-enerġija u l-effiċjenza fir-riżorsi, is-sostenibbiltà tal-innovazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomiji tagħna, u b'hekk tittrasforma l-mudelli ta' negozju, il-manifattura, il-prodotti, il-proċessi u l-ħolqien tal-valur u jkollha impatt fundamentali fuq il-bilanċ bejn l-opportunitajiet u l-isfidi għall-industriji u l-ħaddiema Ewropej;

D.

billi l-Ewropa, fid-dawl tal-wirt industrijali tagħha, in-netwerk ta' setturi industrijali u ktajjen ta' valur tagħha, is-setgħat innovattivi tagħha, l-investiment pubbliku strateġiku fir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż), id-disponibbiltà tal-investiment privat, l-amministrazzjoni effiċjenti, il-ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati u l-integrazzjoni tagħha tal-iżvilupp industrijali mal-isfidi soċjetali, u l-fatt li għandha aktar minn 30 inizjattiva nazzjonali u reġjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, għandha bażi soda li permezz tagħha tista' ssir mexxej fit-trasformazzjoni diġitali; billi hemm opportunità li tissaħħaħ l-industrija tal-UE jekk jirnexxielna nibnu katini tal-valur integrati bis-sħiħ għal prodotti industrijali u pakketti ta' prodotti u servizzi msaħħa diġitalment;

E.

billi l-5G se jittrasforma b'mod fundamentali l-ekonomiji tagħna, billi jqiegħed id-diġitalizzazzjoni fiċ-ċentru tal-iżvilupp industrijali u tas-servizzi soċjali;

F.

billi sabiex strateġija industrijali Ewropea tirnexxi, huwa essenzjali li jinħoloq suq uniku diġitali li jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u lill-impjiegi b'mod li jkun soċjalment responsabbli;

G.

billi strateġija teknoloġikament newtrali mfassla tajjeb għad-diġitalizzazzjoni tal-manifattura industrijali, li qed torbot dejjem aktar lill-persuni, lill-magni kif ukoll lis-servizzi bejn il-fruntieri fi ħdan il-katina ta' valur dinjija kollha kemm hi, hija pass importanti għaż-żieda tar-reżiljenza, is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-ekonomija tagħna u għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda;

H.

billi d-diġitalizzazzjoni għandha tuża l-potenzjal li żżid l-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-enerġija u l-kapital, u b'hekk tikkontribwixxi għal ekonomija ċirkolari aktar integrata, intensità materjali aktar baxxa u simbjożi industrijali akbar;

I.

billi d-diġitalizzazzjoni tista' tagħti spinta lill-industrija tat-turiżmu għall-benefiċċju tal-vjaġġaturi u l-mobilità tagħhom, billi tippermetti, fost l-oħrajn, aċċess faċli għal informazzjoni f'ħin reali u għal varjetà wiesgħa ta' servizzi;

J.

billi t-teknoloġiji tal-lingwi żviluppati sew jistgħu jgħinu lill-industrija tegħleb l-ostakli tal-lingwi li huma ostakli għall-iżvilupp tas-suq diġitali;

K.

billi d-diġitalizzazzjoni toħloq opportunitajiet ġodda fis-settur tat-trasport għal manifatturi, operaturi, investituri, ħaddiema u passiġġieri, u hija prekundizzjoni sabiex l-industrija tat-trasport tibqa' kemm kompetittiva kif ukoll operazzjonali u żżid l-effiċjenza tagħha, u biex is-servizzi tat-trasport isiru aktar sostenibbli u jtejbu l-prestazzjoni tagħhom;

L.

billi d-diġitalizzazzjoni tista' tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet tax-xogħol aktar sikuri, sikurezza akbar tal-prodott, u individwalizzazzjoni u deċentralizzazzjoni tal-produzzjoni;

M.

billi teżisti disparità kbira bejn is-sessi fir-rigward tal-impjieg u t-taħriġ fis-settur tal-ICT, b'implikazzjonijiet negattivi qawwija għall-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol;

N.

billi d-diġitalizzazzjoni u l-individwalizzazzjoni u d-deċentralizzazzjoni tal-produzzjoni se jwasslu għal tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u se jkollhom firxa ta' effetti soċjali; billi kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u deċenti u standards għoljin ta' sikurezza tal-prodotti jridu jibqgħu interess komuni;

O.

billi hemm bosta studji li jenfasizzaw li d-diġitalizzazzjoni fil-manifattura industrijali se ġġib magħha tibdil fid-domanda tas-suq tax-xogħol u fl-impjiegi fl-Ewropa; billi dan jista' jkollu impatt fuq ir-regoli eżistenti li jirregolaw id-drittijiet u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema; billi huwa ċar li hemm bżonn li dan it-tibdil jiġi indirizzat billi l-ħaddiema jiġu mħarrġa fil-ħiliet ġodda tal-ICT u billi jiżdiedu l-ħiliet diġitali tas-soċjetà kollha;

L-iżvilupp ta' Strateġija ta' Diġitalizzazzjoni Industrijali integrata (SDI) għall-UE

1.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea;

2.

Jemmen bil-qawwa li SDI hija ta' importanza kruċjali biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi ekonomiċi u soċjetali l-aktar urġenti tal-Ewropa, billi:

(a)

issaħħaħ id-dinamika ekonomika, il-koeżjoni soċjali u territorjali u r-reżiljenza fil-konfront tat-trasformazzjonijiet u t-tfixkil teknoloġiċi, permezz tal-modernizzazzjoni u l-interkonnessjoni tal-industriji u tal-katini tal-valur ekonomiku tal-Ewropa, u permezz ta' żieda fl-investimenti pubbliċi u privati fl-ekonomija reali u billi tagħti opportunitajiet ta' investiment fil-kuntest tal-modernizzazzjoni sostenibbli;

(b)

trawwem il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u ta' opportunitajiet ta' rilokalizzazzjoni, ittejjeb l-istandards tax-xogħol u l-attraenza tal-impjiegi fis-settur industrijali, tikkontribwixxi għall-għoti ta' aktar opportunitajiet u informazzjoni lill-konsumaturi, issegwi trasformazzjoni li tkun soċjalment ġusta u suq tax-xogħol aktar inklużiv b'mudelli ta' impjiegi u skemi tal-ħin tax-xogħol aktar diversi, u kundizzjonijiet u integrazzjoni aħjar tal-impjiegi u t-tagħlim tul il-ħajja;

(c)

tagħmel użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u tnaqqas l-intensità materjali tal-industrija tal-manifattura permezz ta' ekonomija ċirkolari Ewropea msaħħa, filwaqt li tfakkar li dan huwa kritiku għal kundizzjonijiet materjali ta' settur tat-teknoloġija avvanzata Ewropej, kif ukoll il-produzzjoni industrijali diġitizzati u l-prodotti tagħha;

(d)

issaħħaħ il-koeżjoni Ewropea permezz ta' politika Ewropea ta' investiment affidabbli u ambizzjuża (billi tagħti attenzjoni partikolari lit-tnedija ta' infrastruttura diġitali tal-ogħla livell) bl-użu ta' strumenti ta' finanzjament Ewropej differenti, fosthom il-FEIS, il-fondi reġjonali, l-Orizzont 2020 u oħrajn, kif ukoll tiżgura politika Ewropea industrijali koordinata u teknoloġikament newtrali bbażata fuq kompetizzjoni ġusta bejn atturi differenti, innovazzjoni u modernizzazzjoni sostenibbli, u innovazzjoni teknoloġika, soċjali u tal-mudell ta' negozju li ssaħħaħ is-suq uniku diġitali u l-integrazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-industrija Ewropea kollha;

(e)

tappoġġja l-għanijiet tal-politika dwar il-klima tal-Ewropa billi żżid l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi kif ukoll ċ-ċirkolarità tal-produzzjoni industrijali, tnaqqas l-emissjonijiet, u tagħmel is-sostenibbiltà tal-industrija kompatibbli mal-kompetittività;

(f)

issaħħaħ l-innovazzjoni ekonomika, politika u soċjali permezz tal-prinċipji tal-ftuħ u l-aċċessibbiltà tad-data u tal-informazzjoni pubblika u privata, filwaqt li dejjem tipproteġi d-data sensittiva fl-iskambji bejn in-negozji, il-ħaddiema u l-konsumaturi u tippermetti integrazzjoni aħjar ta' setturi ekonomiċi ta' kull tip u kwalunkwe qasam politiku, inklużi l-industriji kreattivi u kulturali;

(g)

ittejjeb l-għajxien taċ-ċittadini f'żoni urbani u mhux urbani u l-għarfien tagħhom dwar l-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni u l-kapaċità tagħhom li jieħdu vantaġġ minnhom;

(h)

tistimula l-innovazzjoni teknoloġika u soċjali fir-riċerka tal-UE permezz ta' politika dwar id-diġitalizzazzjoni industrijali b'fokus u viżjoni ċari;

(i)

ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija u tnaqqas l-konsum tal-enerġija permezz ta' produzzjoni industrijali diġitalizzata, aktar flessibbli u effiċjenti li ser tippermetti ġestjoni aħjar tad-domanda għall-enerġija;

(j)

tissieħeb ma' makroreġjuni oħra fid-dinja fl-iżvilupp ta' swieq diġitali miftuħa, innovattivi u ġusti;

(k)

tkun konxja tal-bżonn ta' politika fiskali Ewropea aktar ġusta u aktar effikaċi, filwaqt li tikkjarifika mistoqsijiet bħal bażi tat-taxxa f'era ta' swieq diġitali globalment konnessi u produzzjoni diġitalizzata;

(l)

tattira l-investimenti, ir-riċerkaturi u l-esperti ewlenin fid-dinja, u b'hekk tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività Ewropea;

(m)

tappoġġja mudelli ta' negozju ġodda u negozji ġodda innovattivi xprunati mid-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku;

3.

Jenfasizza l-importanza li jinħoloq ambjent ta' negozju kompetittiv li jiffaċilita l-investiment privat, qafas regolatorju li jippermetti li jiġu evitati ostakli burokratiċi, akkumulazzjoni ta' infrastruttura diġitali Ewropej tal-ogħla livell, u struttura tal-UE ta' koordinazzjoni għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija li tiffaċilita l-koordinazzjoni ta' inizjattivi nazzjonali, reġjonali, u fil-livell tal-Unjoni pjattaformi dwar id-diġitalizzazzjoni industrijali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-kisba tal-mira ta' 20 % għas-sehem tal-industrija tal-PDG sal-2020; jenfasizza li, sabiex l-UE titħalla teżerċita tmexxija industrijali dinjija, id-diġitalizzazzjoni tal-industrija teħtieġ li tkun marbuta ma' strateġija industrijali tal-UE usa'; jissottolinja l-importanza li tiġi avvanzata d-diġitalizzazzjoni, b'mod partikolari f'dawk l-Istati Membri, ir-reġjuni u s-setturi li għadhom lura u fost dawk il-persuni li huma milquta mid-distakk diġitali; jilqa' f'dan ir-rigward il-proposta għal Roundtable ta' livell għoli u l-Forum Ewropew tal-Partijiet Ikkonċernati; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-atturi rilevanti, u jistenna li, minbarra l-mexxejja tal-industrija u s-sħab soċjali, l-akkademja, l-SMEs, l-organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni, dawk li jfasslu l-politika, l-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livell nazzjonali u fil-livell lokali u s-soċjetà ċivili, ser jiġu wkoll mistiedna biex ikollhom rwol attiv;

4.

Jitlob lill-Kummissjoni tkompli bil-ħidma importanti tagħha li teżamina x-xejriet tal-manifattura u d-diġitalizzazzjoni, kif ukoll ix-xejriet f'dixxiplini mhux tekniċi (bħal, pereżempju, il-liġi, il-politika, l-amministrazzjoni, il-komunikazzjonijiet, eċċ), tanalizza l-iżvilupp pertinenti f'reġjuni oħra, tidentifika teknoloġiji ewlenin ġodda, u tistinka biex tiżgura li tinżamm it-tmexxija Ewropea f'dawn l-oqsma u li xejriet ġodda jiġu integrati fil-politiki u fl-azzjonijiet b'kunsiderazzjoni tal-kunċetti ta' sigurtà fid-disinn u l-privatezza fid-disinn u b'mod awtomatiku, u teżamina jekk dan ix-xogħol jistax isir permezz ta' netwerk ta' tbassir industrijali speċifiku, inklużi organizzazzjonijiet nazzjonali ta' riċerka u teknoloġija (RTOs);

5.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea – Ingawdu l-benefiċċji kolha ta' Suq Uniku Diġitali” (COM(2016)0180), iżda jiddispjaċih li, billi l-enfasi tagħha fuq is-settur tat-trasport huwa limitat għal sewqan konness u awtomatizzat, hija ma tindirizzax biżżejjed l-isfidi kollha eżistenti; ifakkar li, għalkemm il-vetturi konnessi u awtomatizzati jirrappreżentaw waħda mill-aktar trasformazzjonijiet diġitali eċċitanti tal-ġejjieni fis-settur, hemm potenzjal għad-diġitalizzazzjoni fil-modi kollha tat-trasport, kemm fil-proċessi operazzjonali u amministrattivi, u tul il-katina tal-valur mill-manifatturi sal-passiġġieri u l-merkanzija, kif ukoll għal koordinazzjoni mat-teknoloġiji l-ġodda kollha użati f'dan is-settur, bħal pereżempju sistemi ta' navigazzjoni globali bis-satellita Ewropea (EGNOS u Galileo), li r-riżultati tagħhom jistgħu jkunu mistennija fil-futur viċin; jitlob lill-Kummissjoni tiffoka fuq it-trasformazzjoni diġitali fil-mezzi kollha tat-trasport, inklużi servizzi relatati mat-trasport u t-turiżmu;

6.

Jirrimarka li l-proċess ta' diġitalizzazzjoni ma kienx ta' benefiċċju b'mod uniformi fis-settur tat-trasport kollu, u li dan ħoloq frammentazzjoni detrimentali fi ħdan is-suq intern kemm bejn mezzi differenti ta' trasport kif ukoll fi ħdan l-istess mezz; jissottolinja li hemm differenzi sinifikanti u dejjem akbar bejn l-Istati Membri fil-kompetittività u d-diġitalizzazzjoni tat-trasport, riflessi wkoll bejn ir-reġjuni, il-kumpaniji u l-SMEs; jemmen li l-iżvilupp ta' SDI koordinata għall-UE jista' jgħin biex jingħelbu tali frammentazzjoni u inugwaljanzi u jiġi attirat l-investiment fi proġetti diġitali; jenfasizza li l-objettiv m'għandux ikun sempliċement dokument tal-politika ieħor iżda strateġija reali li tirrifletti x-xejriet u l-potenzjal tas-suq, li l-implimentazzjoni tagħha tiġi evalwata kontinwament;

7.

Iqis li SDI se tikkontribwixxi biex jissolvew xi wħud mill-aktar sfidi urġenti fis-setturi tat-trasport u t-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tkompli tappoġġja d-diġitalizzazzjoni sabiex:

(a)

ittejjeb il-livell globali ta' sikurezza u kwalità u prestazzjoni ambjentali tas-settur tat-trasport;

(b)

ittejjeb l-aċċessibbiltà mingħajr ostakli għal kulħadd, inklużi l-anzjani u l-persuni b'mobilità mnaqqsa jew b'diżabilità, u tiżviluppa l-għarfien ta' soluzzjonijiet ta' mobilità alternattivi li jipprovdu lill-passiġġieri aktar għażla, prodotti aktar faċli għall-utent u personalizzati u aktar informazzjoni, madwar l-UE kif ukoll f'żoni urbani u f'reġjuni anqas żviluppati;

(c)

tnaqqas l-ispejjeż tat-trasport, bħall-ispejjeż ta' manutenzjoni, u ttejjeb l-użu effiċjenti tal-kapaċità tal-infrastruttura eżistenti tat-trasport (eż. platooning, sistemi ta' trasport intelliġenti u kooperattivi (C-ITS), is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) u s-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS));

(d)

ittejjeb il-kompetittività billi trawwem il-ħolqien ta' atturi ġodda, b'mod partikolari l-SMEs u n-negozji l-ġodda, sabiex tikkontesta l-monopolju eżistenti;

(e)

tiffaċilita l-infurzar xieraq u armonizzat tal-leġiżlazzjoni tal-UE, permezz tal-iżvilupp ta' sistemi ta' ġestjoni tat-traffiku, sistemi ta' trasport intelliġenti, takografi diġitali, sistemi elettroniċi għall-ġbir ta' taxxi għall-użu tat-toroq, eċċ, u toħloq oqfsa regolatorji adattati għal sitwazzjonijiet reali li għad jistgħu jinħolqu bl-applikazzjoni ta' teknoloġiji avvanzati;

(f)

tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għal operaturi ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju tat-trasport u negozji ġodda, bħal pereżempju fis-settur tat-trasport u l-loġistika, billi tissimplifika l-proċeduri amministrattivi, tipprovdi l-lokalizzar u l-ittraċċar tal-merkanzija, u tottimizza l-iskedi u l-flussi tat-traffiku;

(g)

tkompli tissalvagwardja d-drittijiet tal-passiġġieri, inkluża l-protezzjoni tad-data, anke fi vjaġġi multimodali;

(h)

tnaqqas il-problemi relatati ma' informazzjoni assimetrika fis-suq tat-trasport;

(i)

trawwem l-attraenza u l-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu, li jippermetti li jiġi ġġenerat madwar 10 % tal-PDG Ewropew, u tal-industriji kreattivi f'żoni urbani, rurali u ultraperiferiċi, pereżempju permezz ta' integrazzjoni aħjar tal-mobilità u servizzi turistiċi, anke lejn destinazzjonijiet inqas magħrufa;

8.

Jirrimarka li konnettività mingħajr waqfien u bi prestazzjoni għolja hija prekundizzjoni għal konnessjonijiet veloċi, sikuri u affidabbli għal kull mod ta' trasport u għal aktar diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport; jiddispjaċih dwar il-frammentazzjoni kbira tal-kopertura diġitali fi ħdan l-UE; iqis li investimenti fil-broadband u l-allokazzjoni ġusta tal-ispettru huma kruċjali għad-diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li jkun hemm viżjoni transsettorjali, pereżempju bejn l-elettronika, it-telekomunikazzjoni, it-trasport u t-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissodisfaw l-impenn tagħhom li jipprovdu dan it-tip ta' konnettività għal rotot u ċentri ewlenin tat-trasport mhux aktar tard mill-2025 u jagħtu bidu għal kopertura sħiħa madwar l-UE kollha;

Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal diġitalizzazzjoni industrijali ta' suċċess: infrastruttura, investiment, innovazzjoni u ħiliet

9.

Jenfasizza li SDI toffri l-opportunità li jiġu avvanzati l-innovazzjoni, l-effiċjenza u t-teknoloġiji sostenibbli li jżidu l-kompetittività u jimmodernizzaw il-bażi industrijali tal-UE, kif ukoll li jitneħħew l-ostakli għall-iżvilupp tas-suq diġitali; jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni industrijali integrata trid tkun ibbażata fuq kundizzjonijiet ta' abilitazzjoni b'saħħithom li jvarjaw minn infrastruttura diġitali tal-ogħla kalibru u valida għall-futur, R&Ż u ambjent li jappoġġja l-investiment, għal qafas leġiżlattiv xieraq u aġġornat li jistimola l-innovazzjoni, suq uniku diġitali approfondit, livelli għoljin ta' ħiliet u intraprenditorija, u djalogu soċjali msaħħaħ;

10.

Jenfasizza l-bżonn li jsir avvanz fl-investiment pubbliku u privat fil-konnettività b'veloċità għolja, pereżempju permezz tal-5G, il-fibra ottika, in-navigazzjoni u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni bis-satellita, sabiex tiġi żgurata sinsla infrastrutturali diġitali robusta fiż-żoni urbani u industrijali; jenfasizza l-importanza ta' armonizzazzjoni fl-allokazzjoni tal-ispettru, maħsuba biex iżżid id-domanda għall-konnettività u ssaħħaħ il-prevedibbiltà tal-ambjent tal-investiment fin-netwerk; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita tmexxija fil-katini tal-valur industrijali diġitali u fit-teknoloġiji ewlenin, bħall-5G, it-teknoloġiji tal-kwantum, l-informatika ta' prestazzjoni għolja, l-intelliġenza artifiċjali, il-cloud computing, l-analitika tal-big data, l-Internet tal-Oġġetti (IoT), ir-robotika u l-awtomatizzazzjoni (inkluż is-Sewqan Awtomatizzat Ħafna) u d-Distributed Ledger Technology; f'dan ir-rigward, jappoġġja d-dokumenti ta' ħidma tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw il-komunikazzjoni tagħha;

11.

Jirrikonoxxi l-opportunitajiet u l-isfidi relatati mad-diġitalizzazzjoni tal-industrija; jinnota l-effetti pożittivi li għandha d-diġitalizzazzjoni tal-industrija billi żżid l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli li jistgħu joħolqu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, tiddiversifika l-għażliet permezz tat-telexogħol mobbli, u tippermetti lil persuni minn żoni rurali u iżolati jidħlu fis-suq tax-xogħol (sakemm ikunu mgħammra bl-infrastruttura meħtieġa), biex b'hekk trawwem it-tkabbir ekonomiku; jirrikonoxxi, fl-istess ħin, li x-xejra mmexxija mid-diġitalizzazzjoni lejn flessibbiltà akbar tista' tkabbar il-periklu ta' impjieg instabbli u prekarju; jenfasizza li forom ġodda ta' xogħol ma jridux jintużaw biex dak li jkun idur mal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol eżistenti fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumatur; jirrimarka li l-industriji u l-intrapriżi tradizzjonali fl-ekonomija tal-pjattaformi jrid ikollhom kundizzjonijiet indaqs;

12.

Jinnota li t-trasformazzjoni diġitali fis-setturi tat-trasport u tat-turiżmu, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' ekonomiji kollaborattivi u on-demand, tikkontribwixxi b'mod konsiderevoli għat-tibdil tal-imġiba tal-passiġġieri u l-konsumaturi rigward il-mobilità u t-turiżmu, kif ukoll għall-ħtieġa għal adattament tal-infrastruttura; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effetti tad-diġitalizzazzjoni fit-trasport, il-mobilità u t-turiżmu, b'enfasi partikolari fuq l-imġiba u l-għażliet tal-utenti ta' dawn is-servizzi, u tillibera aktar il-potenzjal ta' din l-bidla fis-soċjetà;

13.

Jinnota li d-diġitalizzazzjoni li dejjem qiegħda tikber fid-distribuzzjoni ta' biljetti tal-ivvjaġġar tfisser li aktar informazzjoni hija faċilment disponibbli għall-konsumaturi fuq l-internet, iżda dejjem b'mod li jagħmilha diffiċli biex wieħed iqabbel l-offerti; jikkunsidra għaldaqstant li huwa neċessarju li jissaħħu s-salvagwardji tat-trasparenza u n-newtralità fid-distribuzzjoni, u b'mod partikolari d-distribuzzjoni permezz tal-internet, biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, ibbażati fuq informazzjoni affidabbli rigward mhux biss il-prezz iżda parametri oħra wkoll, inklużi l-kwalità tas-servizz u offerti anċillari; jemmen li tali trasparenza ser tippromwovi l-kompetizzjoni kif ukoll se tappoġġja l-iżvilupp tat-trasport multimodali;

14.

Jemmen li d-diġitalizzazzjoni għandha tipprovdi lill-konsumaturi aktar għażla, prodotti aktar favorevoli għall-utenti u personalizzati u aktar informazzjoni, b'mod partikolari dwar il-kwalità tal-prodotti jew is-servizzi;

15.

Jindika li l-impatt tal-ostakli tal-lingwi fuq l-industrija u d-diġitalizzazzjoni tagħha ma ġiex meqjus b'mod adegwat jew evalwat f'dokumenti dwar is-suq diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-lingwi li, flimkien mad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, inaqqsu l-frammentazzjoni tas-suq Ewropew;

16.

Jenfasizza li appoġġ speċjali għal multilingwiżmu “analogu” fl-Ewropa huwa ta' benefiċċju kemm f'termini ta' diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea kif ukoll ta' tagħlim ta' ħiliet diġitali komprensivi; jenfasizza, għalhekk, li għandha tingħata aktar attenzjoni lir-riċerka bażika dwar softwer ta' traduzzjoni u ta' tagħlim statistiku, intelliġenti u permezz tal-magni;

17.

Jissottolinja li jeħtieġ li r-reġjuni jiffukaw fuq il-punti ta' saħħa produttivi tagħhom u jrawmu l-iżvilupp tagħhom permezz ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, Katini Intelliġenti u raggruppamenti; Jemmen li r-raggruppamenti u s-sinerġiji bejn l-SMEs, l-atturi industrijali u soċjali, is-settur tal-artiġjanat, in-negozji ġodda, l-akkademja, iċ-ċentri ta' riċerka, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, is-settur tal-industrija kreattiva, il-partijiet ikkonċernati mill-qasam finanzjarju u minn oqsma oħra, jistgħu jkunu mudelli ta' suċċess fl-iżvilupp tal-manifattura u l-innovazzjoni diġitali; iħeġġeġ ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-koeżjoni strutturali fl-UE; jenfasizza l-importanza ta' programmi ta' aċċellerazzjoni u ta' kapital ta' riskju biex jgħinu t-tkabbir tan-negozji ġodda; jinnota l-importanza li tintuża d-diġitalizzazzjoni fl-avvanz tal-innovazzjonijiet fil-qasam tal-mudell ta' negozju, bħal sistemi ta' “pay-per-output” u l-personalizzazzjoni fuq skala kbira;

18.

Jemmen li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-problemi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs f'ċirkustanzi fejn il-qligħ relattiv minn sforzi ta' diġitalizzazzjoni, f'termini ta' enerġija, effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u effiċjenza tal-produzzjoni, ikun l-ogħla; huwa favur it-tisħiħ tal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u l-ilħuq tagħhom permezz ta' programmi ta' diġitalizzazzjoni, l-iżvilupp ta' ċentri ta' xjenzi applikati b'enfasi fuq id-diġitalizzazzjoni, u l-kofinanzjament għar-R&Ż interni tal-SMEs; iqis li għandha tingħata attenzjoni lis-sjieda tad-data u l-aċċess tad-data, u lill-iżvilupp ta' programm Ewropew għall-apprendistat diġitali;

19.

Jilqa' l-istabbiliment tal-Pjattaforma ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti għall-Modernizzazzjoni Industrijali u b'mod partikolari, il-proposta tal-Kummissjoni inkluża fil-Pjan ta' Azzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija, biex jinħoloq netwerk ta' Ċentri ta' Kompetenza (CC) u ta' Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali (DIH) biex jissaħħu d-diġitalizzazzjoni industrijali u l-innovazzjoni diġitali għall-SMEs; jinnota li s-settur tal-artiġjanat m'għandux jiġi injorat f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod partikolari tmexxi 'l quddiem l-istabbiliment tad-DIH u taċ-ċentri ta' kompetenza diġitali f'reġjuni Ewropej anqas diġitalizzati; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar finanzjament għal DIH permezz ta' diversi riżorsi Ewropej (l-Orizzont 2020, il-Fondi Strutturali, eċċ.), biex tappoġġja l-isforzi u l-istrateġiji tal-Istati Membri mmirati lejn l-iżvilupp ta' netwerk tad-DIH nazzjonali, u biex tikkunsidra li tesperimenta b'approċċ “sandbox” fejn esperimenti transettorjali f'ambjent ikkontrollat ma jiġux imblukkati minn regolamentazzjoni permanenti; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni transnazzjonali fost id-DIH tagħhom; jemmen li d-DIH innominati għandhom jispeċjalizzaw fl-innovazzjonijiet diġitali industrijali li jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-isfidi soċjetali tal-Ewropa; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-finanzjament tal-Orizzont 2020 għad-DIH jista' jiġi kkombinat ma' finanzjament minn dak il-programm għall-isfidi soċjetali; jinnota l-għażla tal-vawċers tal-innovazzjoni fl-ICT għall-SMEs rigward l-aċċess għal konsulenza, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-ħila esperta tad-DIH;

20.

Jinnota r-rwol importanti tal-bliet u tal-gvernijiet lokali fl-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda u fil-forniment ta' infrastruttura diġitali u appoġġ għall-SMEs u għal atturi industrijali oħrajn, kif ukoll l-opportunitajiet enormi li l-innovazzjoni industrijali diġitali toffri lil bliet, pereżempju permezz ta' manifattura lokali bi skart żero, integrazzjoni aktar mill-qrib bejn il-produzzjoni industrijali u l-loġistika u t-trasport lokali u urbani, fuq il-produzzjoni tal-enerġija, il-konsum, il-manifattura u l-istampar 3D; iqis li l-bliet għandhom ukoll ikunu jistgħu jaċċessaw id-DIH; jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-aħjar prattiki lokali, nazzjonali u internazzjonali u trawwem l-iskambju tagħhom; jilqa' l-pubblikazzjoni ta' Indiċi Ewropew għall-Bliet Diġitali u inizjattivi li jippromwovu l-interoperabbiltà tad-data u tas-sistemi fost il-bliet Ewropej; jinnota li l-inizjattiva tal-Bliet Intelliġenti għandha rwol f'dan il-kuntest; jenfasizza l-esperjenza pożittiva ta' fora konsultattivi reġjonali;

21.

Jenfasizza r-rwol li l-akkwist pubbliku u r-rekwiżiti legali għar-reġistrazzjoni tan-negozji u r-rapportar dwar l-attività kummerċjali jew żvelar jista' jkollhom fl-avvanz ta' innovazzjonijiet diġitali industrijali ġodda; jitlob lill-Kummissjoni tqis kif l-akkwist pubbliku jista' jintuża bħala mekkaniżmu li jiġbed l-innovazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi kontroll diġitali tal-Programm REFIT tagħha, sabiex tiżgura li r-regolamenti jkunu aġġornati għall-kuntest diġitali, u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet pubbliċi dwar l-użu ta' kriterji tal-innovazzjoni fl-offerti pubbliċi; jirrakkomanda l-aċċellerazzjoni tal-adattament tal-ambjent legali u teknoloġiku, bħat-tranżizzjoni IPv6, għall-ħtiġijiet għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija u għat-tnedija tal-Internet tal-Oġġetti;

22.

Jenfasizza l-importanza li jiġi żblukkat biżżejjed finanzjament pubbliku u privat għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, b'użu aħjar tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS); jemmen li dan irid jissaħħaħ b'mod sinifikanti u l-investimenti pubbliċi fl-infrastruttura diġitali għandhom jiżdiedu; jenfasizza ċ-ċentralità tal-finanzjament mill-pjattaformi privati u kollaborattivi, jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi Roundtable ta' Finanzjament għad-Diġitalizzazzjoni Industrijali, li ser teżamina l-kwistjoni u toħroġ bi proposti innovattivi ta' finanzjament; jiddispjaċih li r-riżorsi allokati għall-politiki diġitali fil-baġit tal-UE huma skarsi wisq biex ikollhom impatt reali; jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-ekonomija Ewropea tingħata spinta permezz ta' investimenti produttivi: iqis li d-disponibbiltà ta' strumenti finanzjarji Ewropej eżistenti, bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-Orizzont 2020 għandhom jiżguraw li dan l-objettiv jintlaħaq; jemmen li l-kombinament ta' dawn il-fondi għandu jkun koerenti mar-riżorsi nazzjonali u r-Regolamenti dwar l-Għajnuna mill-Istat; jirrikonoxxi r-rwol li għandhom is-sħubiji pubbliċi-privati u l-impriżi konġunti;

23.

Jistieden lill-Istati Membri, sabiex jappoġġjaw diġitalizzazzjoni industrijali effiċjenti, jipprovdu inċentivi fiskali għan-negozji u għall-intrapriżi li jwettqu sistemi tal-produzzjoni diġitali u intelliġenti;

L-iżgurar tat-tmexxija Ewropea fit-teknoloġija u s-sigurtà fid-diġitalizzazzjoni industrijali: fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet (M&A), ċibersigurtà, flussi tad-data, standardizzazzjoni

24.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti li jissaħħu r-R&D; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi ta' R&Ż interni kif ukoll esterni u trawwem netwerks ta' innovazzjoni u kooperazzjoni bejn negozji ġodda, parteċipanti korporattivi stabbiliti, SMEs, universitajiet, eċċ. f'ekosistema diġitali; jitlob lill-Kummissjoni teżamina kif jista' jiġi massimizzat it-trasferiment lejn is-suq ta' riżultati ta' riċerka tal-Orizzont 2020 u kif dawn jistgħu jiġu sfruttati minn kumpaniji Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni żżid il-proporzjon tal-proġetti ta' riċerka tal-Orizzont 2020 li jiġġeneraw privattivi u IPRs u biex tirrapporta dwar dan;

25.

Jenfasizza l-importanza tas-salvagwardja tat-teknoloġiji u tal-għarfien Ewropej sensittivi li jiffurmaw il-bażi tas-saħħa industrijali tal-futur u tar-reżiljenza ekonomika; jenfasizza r-riskji potenzjali fir-rigward tal-istat strateġiku u tal-investiment dirett barrani (IDB) immexxi mill-politika industrijali, b'mod partikolari minn intrapriżi tal-istat permezz tal-M&A; jenfasizza l-fatt, rigward l-IDB, li xi investituri esterni kienu dejjem aktar interessati li jakkwistaw teknoloġiji sensittivi Ewropej permezz ta' M&A; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tanalizza l-esperjenza tas-CFIUS (Committee on Foreign Investment in the United States); jissottolinja li l-aċċess ugwali għas-suq għall-investiment għandu jkun infurzat permezz tal-istabbiliment ta' regoli globali;

26.

Jenfasizza li l-iżviluppi fir-rigward tal-awtomatizzazzjoni, ir-robotika u l-applikazzjoni ta' intelliġenza artifiċjali fil-produzzjoni, kif ukoll l-integrazzjoni profonda tal-komponenti tekniċi ta' oriġini differenti qed iqajmu mistoqsijiet ġodda fir-rigward tar-responsabbiltà għall-prodotti u l-faċilitajiet tal-produzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara malajr kemm jista' jkun ir-regoli dwar is-sikurezza u r-responsabbiltà għal sistemi li jaġixxu b'mod awtonomu, inklużi l-kundizzjonijiet għall-ittestjar;

27.

Jirrikonoxxi li l-aċċessibbiltà u l-konnettività għandhom ukoll effetti potenzjali fuq il-vulnerabbiltà fir-rigward tal-attakki ċibernetiċi, is-sabotaġġ, il-manipulazzjoni tad-data jew l-ispjunaġġ industrijali, u jissottolinja f'dan il-kuntest l-importanza ta' approċċ komuni Ewropew dwar iċ-ċibersigurtà; jirrikonoxxi l-bżonn li jiżdied l-għarfien dwar it-tisħiħ taċ-ċibersigurtà; iqis li r-reżiljenza ċibernetika hija responsabbiltà kruċjali għall-mexxejja tan-negozji u għal dawk li jfasslu l-politika industrijali u dwar is-sigurtà fuq livell nazzjonali u Ewropew; jemmen li l-produtturi huma responsabbli għall-iżgurar tal-istandards tas-sikurezza u taċ-ċibersigurtà bħala parametri ewlenin ta' disinn fl-innovazzjonijiet diġitali kollha skont it-teknoloġija tal-ogħla livell disponibbli u l-prinċipji ta' “sigurtà fid-disinn” u “sigurtà awtomatika”, iżda li taħt ċerti kundizzjonijiet u kriterji jista' jkun hemm devjazzjoni minn din ir-responsabbiltà tal-produttur; jinnota li r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għall-IoT u għall-istandards tas-sigurtà tal-IT, pereżempju fuq il-bażi tal-arkitettura ta' referenza RAMI4.0 u ICS, ikunu jsaħħu r-reżiljenza ċibernetika Ewropea; jemmen li l-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom rwol speċjali f'dan il-kuntest u m'għandhomx jitwarrbu; jitlob lill-Kummissjoni teżamina mudelli differenti għall-avvanz taċ-ċibersigurtà għall-IoT; jitlob lill-istituzzjonijiet pubbliċi, madankollu, biex jagħmlu r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà obbligatorji għall-akkwist pubbliku fir-rigward tat-tagħmir tal-IT u tal-prodotti tal-IoT; iqis li l-kontrolli taċ-ċibersigurtà u l-pariri offruti lill-SMEs dwar il-prodotti industrijali diġitalizzati tagħhom huma ta' importanza kbira; jemmen li l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri tal-UE tista' tiffaċilita r-reżiljenza ċibernetika Ewropea f'dak ir-rigward;

28.

Jemmen li għandu jkun hemm kriterji komuni għal infrastruttura kritika u s-sigurtà diġitali tagħha, u li d-Direttiva tal-UE dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi ta' informazzjoni (id-Direttiva NIS) hija l-ewwel pass lejn il-kisba ta' livell komuni għoli ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi ta' informazzjoni fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinsisti għal traspożizzjoni konsistenti u f'waqtha tagħha mill-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol li għandhom il-korpi regolatorji msemmija fid-Direttiva NIS biex jistabbilixxu l-fiduċja f'teknoloġiji futuri; jinnota li mekkaniżmi ta' monitoraġġ għat-theddida ċibernetika u l-“horizon scanning” għandhom jiġu rikonoxxuti bħala importanti għas-sigurtà tal-industriji diġitali tal-UE, b'enfasi speċjali fuq il-protezzjoni tal-SMEs u tal-konsumaturi;

29.

Jenfasizza li jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċifika lil mistoqsijiet dwar il-ġbir u l-aċċess għal data u informazzjoni industrijali jew relatati mal-produzzjoni; jissottolinja li f'dan ir-rigward għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq il-prinċipji tas-sovranità tad-data, tal-aċċess miftuħ u standardizzat u tad-disponibbiltà tad-data, fuq it-tisħiħ tal-innovazzjoni u l-produttività, servizzi u mudelli kummerċjali ġodda, l-abbiltà tal-verifika tas-sigurtà filwaqt li tkun permessa l-kompetizzjoni ġusta; jenfasizza li forom ġodda ta' regolamentazzjoni dwar s-sjieda tad-data u l-aċċess għad-data jridu jiġu indirizzati bir-reqqa u jistgħu jiġu introdotti biss wara li ssir konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha; jemmen li kemm l-innovazzjoni kif ukoll it-tħassib dwar il-privatezza tal-ħaddiema u l-konsumaturi għandhom jiġu protetti u salvagwardjati skont ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data; jenfasizza, barra minn hekk, li l-iżvelar u l-aċċess għall-informazzjoni għall-interess pubbliku u għal finijiet xjentifiċi għandhom jiġu promossi; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal ekonomija tad-data f'dan ir-rigward sabiex jiġi promoss suq tad-data Ewropew komuni; iqis li, fid-dibattitu li għaddej bħalissa dwar ir-reġim tad-data, għandhom jiġu ssottolinjati żewġ aspetti essenzjali bl-għan li jitrawwem l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi għall-identifikazzjoni affidabbli u l-iskambju tad-data, jiġifieri, minn naħa, regoli kuntrattwali predefiniti u, min-naħa l-oħra, l-introduzzjoni ta' verifika dwar prattiki żleali f'relazzjonijiet kuntrattwali B2B;

30.

Jenfasizza li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing, flimkien mal-proposta leġiżlattiva favur il-fluss liberu tad-data, li għandhom l-għan li jneħħu r-restrizzjonijiet mhux ġustifikati dwar il-lokalizzazzjoni tad-data, għandhom il-potenzjal li jinċentivaw ulterjorment il-proċess ta' diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea, b'mod speċjali l-SMEs u n-negozji ġodda u li jevitaw il-frammentazzjoni fis-suq uniku tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-adozzjoni u l-implimentazzjoni koerenti tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing sabiex il-fluss u l-użu tad-data jkunu ġusti, rapidi, affidabbli u mingħajr xkiel; ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn li ħadet fil-komunikazzjoni tagħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar il-fluss liberu tad-data fi ħdan l-UE, sabiex jitneħħew jew jiġu evitati rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni mhux ġustifikati fil-leġiżlazzjoni jew fir-regolamentazzjoni nazzjonali;

31.

Jemmen bis-sħiħ li, speċjalment fis-settur tat-trasport, id-data miftuħa, il-“big data” u d-data analitika jibqgħu elementi essenzjali biex naħsdu l-benefiċċji kollha tas-Suq Uniku Diġitali u t-trawwim tal-innovazzjoni; jiddispjaċih li l-inizjattivi li jiffaċilitaw il-fluss ta' data għadhom frammentati; jenfasizza li hija meħtieġa aktar ċertezza tad-dritt, speċjalment rigward is-sjieda u r-responsabbiltà, fuq bażi ta' rispett sħiħ tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

32.

Jirrikonoxxi l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija għall-iskop tal-irkupru ta' data settorjali u ta' governanza minn awtoritajiet pubbliċi u semipubbliċi u l-parteċipanti tas-suq;

33.

Jissottolinja r-rwol tal-integrazzjoni tal-ftuħ tal-arkitettura bħala prinċipju ta' disinn tal-komponenti diġitali;

34.

Jirrikonoxxi l-importanza li jiġi protett l-għarfien espert tekniku rigward l-iskambju u l-interkonnessjoni ta' komponenti industrijali diġitali, filwaqt li fl-istess ħin tiġi permessa u żviluppata aktar l-interoperabbiltà u l-konnettività minn tarf għal ieħor;

35.

Jenfasizza li t-tmexxija Ewropea fid-diġitalizzazzjoni industrijali tirrikjedi strateġija ta' standardizzazzjoni b'saħħitha, li għandha tiġi kkoordinata mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni, inkluża l-interoperabbiltà fil-qasam diġitali; jenfasizza l-istruttura importanti u unika tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, bl-approċċ inklużiv u bbażat fuq il-kunsens tagħhom li jintegra l-partijiet ikkonċernati soċjetali u, b'mod partikolari, l-SMEs, jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' standards miftuħa, u jilqa' l-intenzjoni tagħha li tiggarantixxi aċċess għal privattivi standard essenzjali, u l-liċenzjar effiċjenti tagħhom, skont il-kundizzjonijiet FRAND (ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji) u jirrikonoxxi li dan huwa essenzjali għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u r-R&Ż fl-UE; jemmen li l-ekonomija ċirkolari tista' tkun xprun ewlieni għal standardizzazzjoni koerenti tal-flussi tal-komunikazzjoni tul il-katini tal-valur industrijali; jitlob li jkun hemm approċċ ikkoordinat fl-UE kollha permezz ta' organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni (CEN, CENELEC u ETSI) fir-rigward tal-fora u l-konsorzji internazzjonali; jemmen li huwa mixtieq li l-għan ikunu standards globali u universali, imma jissottolinja wkoll ir-rieda li nipproċedu bi standards Ewropej fil-każ li l-kooperazzjoni internazzjonali fil-fora tal-istandardizzazzjoni tkun miexja b'mod mhux kostruttiv; iqis li l-interoperabbiltà hija neċessarja b'mod partikolari fil-qasam tal-IOT biex jiġi żgurat li l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda jtejjeb l-opportunitajiet għall-konsumaturi, li m'għandhomx ikunu intrappolati ma' ftit fornituri speċifiċi biss;

36.

Jenfasizza li l-ostakli kummerċjali fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni jfixklu l-attività internazzjonali tal-industrija Ewropea u jagħmlu ħsara lill-kompetittività Ewropea; jemmen li l-ftehimiet kummerċjali ġusti bejn l-UE u pajjiżi terzi jistgħu jikkontribwixxu bil-kbir għal regoli internazzjonali komuni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, il-flussi tad-data, l-użu tad-data u l-istandardizzazzjoni;

Id-dimensjoni soċjali: ħiliet, edukazzjoni u innovazzjoni soċjali

37.

Jemmen li għandhom jitwettqu sforzi kbar fir-rigward tal-edukazzjoni, it-tassazzjoni u s-sistemi tas-sigurtà soċjali sabiex l-effetti trasformattivi jiġu integrati fil-mudelli soċjali u ekonomiċi Ewropew tagħna; jenfasizza li t-trasformazzjoni diġitali tal-industrija qed ikollha impatt soċjetali kbir li jvarja minn impjiegi, kundizzjonijiet tax-xogħol, drittijiet tal-ħaddiema għall-edukazzjoni u ħiliet, saħħa elettronika, ambjent u żvilupp sostenibbli; jenfasizza l-ħtieġa li titqies is-sigurtà fi ħdan din il-bidla; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u tindirizza b'mod adegwat l-effetti soċjali tad-diġitalizzazzjoni industrijali u, kif xieraq, tipproponi aktar miżuri biex jingħalaq id-distakk diġitali u tippromwovi soċjetà diġitali inklużiva filwaqt li ssaħħaħ il-kompetittività Ewropea;

38.

Ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddefiniet il-kunċett ta' “ħaddiem” abbażi ta' relazzjoni tax-xogħol karatterizzata minn ċerti kriterji bħas-subordinazzjoni, ir-remunerazzjoni u n-natura tax-xogħol (12); jappella għal ċertezza tad-dritt dwar x'jikkostitwixxi “impjieg” fis-suq tax-xogħol diġitali sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-liġijiet soċjali u tax-xogħol; jistqarr li l-ħaddiema kollha fl-ekonomija tal-pjattaformi jew huma impjegati jew jaħdmu għal rashom, abbażi tal-preminenza tal-fatti, u għandhom jiġu klassifikati skont dan, irrispettivament mis-sitwazzjoni kuntrattwali;

39.

Jenfasizza li l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja huma l-pedament tal-koeżjoni soċjali f'soċjetà diġitali; jenfasizza li l-Ewropa qed tiffaċċja distakk diġitali f'dan ir-rigward; jappella għall-implimentazzjoni ta' garanzija tal-ħiliet, wara konsultazzjoni u bil-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali, u jistieden lill-Istati Membri jsibu modi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadini ta' taħriġ(mill-ġdid), taħriġ professjonali u tagħlim tul il-ħajja sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel lejn ekonomija intelliġenti; jenfasizza l-importanza tal-iżgurar tal-promozzjoni u tar-rikonoxximent ta' ħiliet diġitali u x-xejra ġdida lejn “ħiliet varji miksuba”; jemmen li l-impjegaturi għandhom jużaw il-Fond Soċjali Ewropew għal dan it-taħriġ u sabiex jippromwovu sett ta' għodod diġitali għat-titjib tal-ħiliet f'kollaborazzjoni mal-industrija u s-sħab soċjali; jilqa' l-iżvilupp ta' materjal ta' tagħlim u kurrikuli speċifiċi għas-setturi; jitlob lill-KE teżamina għażliet għall-istabbiliment ta' sistema ta' ċertifikazzjoni għal programmi ta' edukazzjoni kontinwa għall-ħiliet diġitali;

40.

Jissottolinja li l-ħiliet diġitali jridu jiġu integrati fil-kurrikuli edukattivi nazzjonali; jinnota li eżempji ta' inizjattivi appoġġjati mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), bħax-Xahar Ewropew għaċ-Ċibersigurtà u l-Isfida Ewropea għaċ-Ċibersigurtà, għandhom jiġu żviluppati aktar fit-twettiq ta' dan l-għan; jenfasizza l-importanza ta' taħriġ speċjalizzat għall-għalliema għall-ħiliet diġitali u li l-ħiliet diġitali għandhom jiġu mgħallma lit-tfal kollha; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-iskejjel kollha jkunu mgħammra bil-Wi-fi u b'materjal tal-IT aġġornat; jinnota li l-ikkowdjar ukoll għandu rwol importanti; jitlob skambju tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri sabiex jitgħallmu minn prattiki stabbiliti bħall-programm Fit4Coding, inizjattivi tal-akkademja diġitali, programmi ta' tagħlim elettroniku, jew skejjel tal-ikkowdjar bħal Webforce3; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-integrazzjoni tal-ittestjar tal-ħiliet diġitali fl-istudji tal-IGCU/Pisa biex tippermetti l-kompetizzjoni u l-paragun bejn l-Istati Membri tal-UE; jistieden lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, ifasslu programmi ta' studju interdixxiplinari li għandhom l-għan li jintegraw bosta kompetenzi, bħall-IT mal-ġestjoni tan-negozju jew l-inġinerija u x-xjenzi tad-data; jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom jiżviluppaw strateġiji nazzjonali komprensivi bil-miri dwar il-ħiliet diġitali, kif ġew mistiedna jagħmlu mill-Kummissjoni; jenfasizza r-rwol importanti li s-sħab soċjali u partijiet kkonċernati oħra jista' jkollhom fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' dawn l-istrateġiji; jinnota li sa issa huma biss nofs l-Istati Membri tal-UE li ħolqu koalizzjonijiet nazzjonali għal impjiegi diġitali; jenfasizza li linja baġitarja speċifika li tappoġġja l-attivitajiet tal-Koalizzjoni għall-Ħiliet u għall-Impjiegi Diġitali tkun qed issaħħaħ it-tixrid ta' informazzjoni u aktar attivitajiet;

41.

Jenfasizza l-importanza li jsir investiment fid-diġitalizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali u s-settur tal-artiġjanat; jenfasizza li jeħtieġ ukoll li l-ħiliet diġitali jiġu kkombinati ma' ħiliet tal-inġinerija u l-promozzjoni tal-edukazzjoni fl-oqsma tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (suġġetti STEM) kif ukoll il-promozzjoni ta' ħiliet personali bħall-komunikazzjoni, il-koordinazzjoni ta' tim, u l-ħsieb transsettorjali;

42.

Jitlob li l-perspettiva tas-sessi tiġi inkorporata fl-inizjattivi diġitali kollha, biex jiġi żgurat li t-trasformazzjoni diġitali li għaddejja wkoll issir mutur għall-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata d-disparità bejn is-sessi severa fis-settur tal-ICT, peress li dan huwa essenzjali għat-tkabbir u l-prosperità fit-tul tal-Ewropa;

43.

Jinnota l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni fir-rigward tal-aċċessibbiltà tas-servizzi soċjali u ta' servizzi pubbliċi oħra, kif ukoll tal-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u ta' persuni b'mobbiltà limitata fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza tat-telexogħol f'dan ir-rigward;

44.

Jirrimarka li, kif muri permezz tal-inizjattiva Ewropea, id-diġitalizzazzjoni ta' xogħlijiet Ewropej tirrappreżenta opportunità sinifikanti biex jittejbu l-aċċessibbiltà, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni tagħhom u li l-innovazzjoni diġitali tista' tipprovdi impetu għal rivoluzzjoni fil-mod li oġġetti kulturali jiġu esibiti u kif isir aċċess għalihom; jenfasizza l-importanza li jiġu promossi b'mod partikolari l-użu ta' teknoloġiji 3D għall-ġbir tad-data u r-rikostruzzjoni ta' beni u wirt kulturali meqruda; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ggarantit finanzjament għad-diġitalizzazzjoni, il-konservazzjoni u d-disponibbiltà online tal-wirt kulturali Ewropew;

45.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-siti storiċi u kulturali ta' spiss mhumiex aċċessibbli għal dawk b'diżabilità u jenfasizza l-opportunitajiet li pjattaforma kulturali diġitali aktar b'saħħitha toffri għat-titjib fl-impenn u biex l-esperjenzi kulturali, is-siti u l-artefatti madwar l-Ewropa jsiru aktar aċċessibbli irrispettivament mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom;

46.

Iħeġġeġ ir-riċerka dwar it-teknoloġiji ta' assistenza u l-iżvilupp tagħhom, li jistgħu jintużaw u jsiru prodotti industrijali ġodda għall-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità;

47.

Jiffavorixxi l-istabbiliment ta' skambju regolari tal-aħjar prattiki, rieżami tal-progress biannwali u rakkomandazzjonijiet dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija;

o

o o

48.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0009.

(2)  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 131.

(3)  ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 57.

(4)  ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 41.

(5)  ĠU C 482, 23.12.2016, p. 89.

(6)  ĠU C 468, 15.12.2016, p. 19.

(7)  ĠU C 93, 9.3.2016, p. 120.

(8)  ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 22.

(9)  Testi adottati, P8_TA(2016)0486.

(10)  ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 45.

(11)  ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 24.

(12)  Ara l-QtĠ-UE C-596/12, paragrafu 17, u QtĠ-UE C-232/09, paragrafu 39.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/175


P8_TA(2017)0241

Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid – id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar stqarrija konġunta mill-Parlament, mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, u l-Kummissjoni dwar il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid – id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna (2017/2586(RSP))

(2018/C 307/27)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-ftehim milħuq mill-Kunsill Affarijiet Barranin (Żvilupp), il-Kummissjoni Ewropea, u l-Parlament dwar Kunsens Ewropew ġdid għall-Iżvilupp – id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna (1),

wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ta' Diċembru 2005 (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 bit-titolu “Transforming our World: The 2030 Agenda for Sustainable Development” (“Nittrasformaw id-Dinja tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli”), adottata fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-25 ta' Settembru 2015 fi New York,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppubblikata f'Ġunju 2016,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2016 bit-titolu “Proposta għal Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp – Id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna” (COM(2016)0740),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (3) u dik tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tal-2005 b'tali mod li jirrifletti l-kuntest il-ġdid tal-iżvilupp globali wara l-adozzjoni tal-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), kif ukoll il-bidliet fl-istruttura ġuridika u istituzzjonali tal-UE minn mindu ġie adottat it-Trattat ta' Lisbona;

2.

Jenfasizza l-importanza tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid bħala dokument strateġiku ewlieni li jistabbilixxi viżjoni, valuri u prinċipji komuni, għall-UE u l-Istati Membri tagħha rigward l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 fil-politiki ta' kooperazzjoni tagħhom għall-iżvilupp;

3.

Jilqa' r-rikonoxximent ċar mill-Kunsens il-ġdid li l-objettiv primarju tal-politika tal-UE għall-iżvilupp huwa t-tnaqqis u, fit-terminu twil, il-qerda tal-faqar skont l-Artikolu 208 tat-TFUE; itenni li dan jenħtieġ li jsir f'konformità sħiħa mal-prinċipji ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp effikaċi: is-sjieda tal-prijoritajiet għall-iżvilupp minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-enfasi fuq ir-riżultati, is-sħubiji inklużivi, u t-trasparenza u r-responsabbiltà;

4.

Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' responsabbiltà għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-SDGs u l-objettivi ta' 0,7 % tal-ODA/GNI (Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp/Dħul Nazzjonali Gross); jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippreżentaw skeda ta' żmien dwar kif dawn l-għanijiet u l-objettivi għandhom jintlaħqu gradwalment, u biex il-progress jiġi rrappurtat fuq bażi annwali lill-Parlament;

5.

Jappoġġja l-istqarrija konġunta mill-Parlament, mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, u l-Kummissjoni dwar il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid – id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

(1)  Ara d-dokument tal-Kunsill 9459/2017.

(2)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2016)0437.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2017)0026.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/177


P8_TA(2017)0242

Ir-reżiljenza bħala prijorità strateġika tal-azzjoni esterna tal-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar ir-reżiljenza bħala prijorità strateġika tal-azzjoni esterna tal-UE (2017/2594(RSP))

(2018/C 307/28)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 208, 210 u 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea (EUGS), ippubblikata f'Ġunju 2016,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bit-titolu “L-approċċ tal-UE għar-reżiljenza: nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel”, (COM(2012)0586) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tad-19 ta' Ġunju 2013 bl-isem “Pjan ta' azzjoni għar-reżiljenza fil-pajjiżi suxxettibbli għall-kriżijiet 2013-2020”, (SWD(2013)0227),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2013 dwar l-approċċ tal-UE għar-reżiljenza ,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/RES/70/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-25 ta' Settembru 2015“Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli”,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni 1/CP.21 tal-Konferenza tal-Partijiet li tirrigwarda d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima,

wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030 adottat mit-Tielet Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri, li saret bejn l-14 u t-18 ta' Marzu 2015 f'Sendai, fil-Ġappun,

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar “Pjan ta' Azzjoni dwar il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030: Approċċ għad-diżastri bbażat fuq ir-riskji għall-politiki kollha tal-UE” (SWD(2016)0205),

wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-23 ta' Awwissu 2016 dwar l-Eżitu tas-Summit Umanitarju Dinji (A/71/353),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2016 bit-titolu “Lejn Ħajja b'Dinjità: minn dipendenza fuq l-għajnuna għal ħajja indipendenti: l-Ispustar bil-forza u l-Iżvilupp”, (COM(2016)0234),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-approċċ tal-UE għar-reżiljenza u t-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel (1), tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja (2), u tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp (3),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ir-reżiljenza bħala prijorità strateġika tal-azzjoni esterna tal-UE (O-000033/2017 – B8-0313/2017),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), 1,6 biljun persuna jgħixu f'56 pajjiż identifikati bħala pajjiżi fraġli (4); billi s-sitwazzjonijiet ta' fraġilità fil-biċċa l-kbira huma kkawżati mill-bniedem; billi s-sitwazzjonijiet ta' fraġilità jżidu l-vulnerabbiltà tal-popolazzjonijiet minħabba diversi fatturi, fosthom il-kunflitt u n-nuqqas ta' sigurtà, in-nuqqas ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, l-ispostament furzat, il-faqar estrem, l-inugwaljanza, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, ix-xokkijiet ekonomiċi, il-governanza ħażina u l-istituzzjonijiet dgħajfa, il-korruzzjoni u l-impunità, u d-diżastri naturali aggravati mill-impatt tat-tibdil fil-klima; billi t-trawwim tar-reżiljenza huwa partikolarment importanti f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità, li l-OECD tiddefinixxi fuq ħames dimensjonijiet differenti iżda marbuta ma' xulxin, li huma d-dimensjoni politika, ekonomika, ambjentali, tas-sigurtà u soċjetali;

B.

billi l-kunċett tar-reżiljenza ntuża fil-politiki tal-UE u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn għal għadd ta' snin u donnu li qed jitwessa'; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2013 dwar ir-reżiljenza jiddefinixxuha bħala “l-kapaċità ta' individwu, unità domestika, komunità, pajjiż jew reġjun li jippreparaw, jifilħu u jadattaw għall-istress u għax-xokkijiet u li jirpiljaw malajr minnhom, mingħajr ma jiġu kompromessi l-prospettivi tal-iżvilupp fit-tul”;

C.

billi l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea (EUGS) tidentifika r-reżiljenza tal-Istati u s-Soċjetajiet fil-Lvant u n-Nofsinhar tagħna bħala waħda mill-ħames prijoritajiet għall-azzjoni esterna tal-UE, u tiddefinixxi r-reżiljenza bħala l-kapaċità tal-istati u tas-soċjetajiet li jirriformaw, biex b'hekk ikunu jifilħu għall-kriżijiet interni u esterni u jirpiljaw minnhom; billi l-EUGS tafferma li soċjetà reżiljenti kkaratterizzata mid-demokrazija, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u l-iżvilupp sostenibbli tinsab fil-qalba ta' stat reżiljenti;

D.

billi l-EUGS tgħid ukoll li l-UE se tadotta approċċ integrat għall-politiki umanitarji, tal-iżvilupp, tal-migrazzjoni, tal-kummerċ, tal-investiment, tal-infrastruttura, tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tar-riċerka tagħha, u fost l-oħrajn se timpenja ruħha favur politiki mfassla apposta biex tappoġġa governanza inklużiva u responsabbli, tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, taħdem favur approċċi bi sjieda lokali bbażati fuq id-drittijiet għar-riforma fl-oqsma tal-ġustizzja, is-sigurtà u d-difiża, tappoġġa l-Istati fraġli, tiġġieled kontra l-faqar u l-inugwaljanza u tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, tapprofondixxi r-relazzjonijiet mas-soċjetà ċivili, tippromwovi l-politiki għar-riforma fis-setturi tal-enerġija u tal-ambjent u tappoġġa risposti sostenibbli għall-produzzjoni tal-ikel u l-użu tal-ilma;

E.

billi fl-azzjoni esterna tal-UE jenħtieġ approċċ multidimensjonali għar-reżiljenza, u billi dan jista' jitrawwem permezz ta' żieda, f'konformità mal-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-għajnuna għall-iżvilupp u, fejn ikun xieraq, l-għajnuna umanitarja, flimkien ma' politiki relatati mal-ambjent, b'enfasi ċara fuq it-tnaqqis tal-vulnerabbiltà u r-riskju ta' diżastri, bħala mezz kruċjali biex jitnaqqsu l-ħtiġijiet umanitarji; billi l-politika barranija tal-UE għandha wkoll rwol ċentrali fil-promozzjoni tar-reżiljenza, b'mod partikolari billi tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u d-djalogu politiku filwaqt li trawwem sistemi ta' twissija bikrija u taħdem għall-prevenzjoni ta' xokkijiet ekonomiċi u soċjali bħalma huma l-ġuħ, iż-żieda fl-inugwaljanzi, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-kunflitti vjolenti, u għar-riżoluzzjoni fil-każ ta' kunflitti;

F.

billi l-UE jenħtieġ li tippromwovi approċċ integrat għall-azzjoni esterna tagħha, filwaqt li fl-istess ħin issaħħaħ il-kontribut tagħha favur l-iżvilupp sostenibbli u tirrikonoxxi l-mandat u l-objettivi ta' kull politika, kif rikonoxxut fit-Trattati; billi dan huwa partikolarment importanti f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u fir-rigward tal-azzjoni umanitarja tal-UE, li ma tistax titqies bħala għodda ta' ġestjoni tal-kriżijiet u jeħtieġ tiġi ggwidata għalkollox mill-prinċipji tal-għajnuna umanitarja, kif rifless fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, u timmira lejn risposta koerenti, effikaċi u ta' kwalità; billi l-UE jenħtieġ li tkompli tippromwovi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-dritt umanitarju internazzjonali mill-partijiet kollha ta' kunflitt;

G.

billi l-azzjoni umanitarja jenħtieġ li ssegwi ġabra ta' standards u prinċipji rikonoxxuti f'livell internazzjonali kif huma miġbura fil-“Kodiċi ta' Kondotta tal-Moviment tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar Internazzjonali u tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi ta' Sokkors f'każ ta' Diżastri” u inkorporati b'mod wiesa' fil-“Karta Umanitarja”;

H.

billi t-trawwim tar-reżiljenza jenħtieġ jinftiehem bħala sforz fit-tul inkorporat fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, li l-uniku mod li se jkun sostenibbli huwa jekk ikun reżistenti għax-xokkijiet, l-istress u l-bidla; billi, bħala parti mill-politika estera tal-UE u l-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-promozzjoni tar-reżiljenza jeħtieġ tkun speċifika għall-kuntest u tfittex li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istrateġiji nazzjonali tar-reżiljenza tal-gvernijiet tal-pajjiżi sħab, li min-naħa tagħhom għandhom obbligu ta' rendikont lejn il-popolazzjonijiet tagħhom;

I.

billi l-komprensjoni tar-riskju, it-tisħiħ tal-governanza tar-riskju u l-investiment f'sistemi ta' twissija bikrija u ta' risposta bikrija, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, f'konformità mal-prijoritajiet tal-Qafas ta' Sendai, huma essenzjali fil-kisba tar-reżiljenza u għaldaqstant essenzjali għat-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

J.

billi fil-qalba tal-approċċ tal-UE għar-reżiljenza jenħtieġ li tibqa' ssir enfasi fuq in-nies, fosthom, kull fejn possibbli, permezz ta' ħidma mal-entitajiet u ta' bini tal-kapaċitajiet biex din l-enfasi tiġi appoġġata fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u billi jiġi rikonoxxut u sostnut ir-rwol ċentrali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-komunitajiet lokali;

K.

billi kemm id-diżastri naturali kif ukoll dawk ikkawżati mill-bniedem jolqtu lin-nisa, lill-bniet, lis-subien u lill-irġiel b'mod differenti, b'tali mod li l-inugwaljanzi bbażati fuq il-ġeneru jaggravaw l-impatt tal-istress u x-xokkijiet u jimpedixxu l-iżvilupp sostenibbli;

L.

billi n-nisa u l-bniet huma dawk li jsofru l-aktar fil-kriżijiet u l-kunflitti; billi n-nisa u l-bniet huma esposti b'mod sproporzjonat għar-riskju, b'aktar telf tal-mezzi tal-għajxien, tas-sigurtà, u saħansitra tal-ħajjiet, waqt u wara d-diżastri; billi n-nisa u l-bniet iħabbtu wiċċhom ma' riskji aktar akuti minħabba l-ispostament u l-kollass tal-istrutturi normali ta' protezzjoni u appoġġ; billi f'kuntesti relatati mal-kriżijiet, il-probabbiltà ta' stupru, sfruttament sesswali u mġiba riskjuża jżid ħafna l-probabbiltà ta' każijiet ta' tqala mhux mixtieqa, infezzjonijiet trażmessi sesswalment u kumplikazzjonijiet tas-saħħa riproduttiva;

M.

billi l-emanċipazzjoni tan-nisa hija kruċjali għat-trawwim tar-reżiljenza; billi biex il-programmi jkunu effikaċi, komprensivi u sostenibbli, jenħtiġilhom jibnu u jsaħħu r-reżiljenza u jridu jinvolvu lin-nisa, filwaqt li jindirizzaw kompetenzi u mekkaniżmi ta' sopravivenza speċifiċi;

N.

billi l-familja tirrappreżenta istituzzjoni ewlenija għat-twettiq ta' funzjonijiet essenzjali ta' produzzjoni, konsum, riproduzzjoni u akkumulazzjoni assoċjati mat-tisħiħ tal-pożizzjoni soċjali u ekonomika tal-individwi u tas-soċjetajiet; billi l-familji u l-membri tagħhom jibnu sistemi ta' appoġġ ta' ndukrar u l-imġiba reżiljenti tagħhom tista' tiġi riflessa fiż-żamma ta' żvilupp normali tal-ottimiżmu, l-intraprendenza u d-determinazzjoni minkejja d-diffikultajiet; billi dawn l-elementi pożittivi u r-riżorsi jippermettu lill-individwi jikkonfrontaw b'suċċess il-kriżijiet u l-isfidi;

O.

billi l-approċċ għar-reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE jenħtieġ li jagħti attenzjoni speċjali lill-partijiet l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni, inklużi l-ifqar persuni, il-minoranzi, il-popolazzjonijiet spustati bil-forza, in-nisa, it-tfal, il-migranti, il-persuni bl-HIV, il-persuni LGBTI, il-persuni b'diżabilità u l-anzjani;

1.

Jilqa' r-rikonoxximent tal-importanza li tiġi promossa r-reżiljenza fl-Istrateġija Globali tal-UE, billi din issir prijorità strateġika tal-azzjoni esterna tal-UE; jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribut pożittiv li ż-żieda fl-attenzjoni politika, diplomatika u ta' sigurtà lejn il-promozzjoni tar-reżiljenza jista' jkollha fil-pajjiżi sħab, iżda jenfasizza li r-reżiljenza ma tistax tillimita ruħha għal dawn id-dimensjonijiet;

2.

Itenni l-bżonn li l-Istati Membri tal-UE jirrispettaw l-impenji tagħhom fl-ambitu tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u jsaħħu r-reżiljenza permezz tal-proċessi ta' strateġija u ta' ppjanar tagħhom fir-rigward tal-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja; jissottolinja l-importanza fir-rigward tal-qafas ta' analiżi tas-sistemi ta' reżiljenza tal-OECD li jgħin biex l-istrateġiji jissarrfu fi pjanijiet ta' programmazzjoni trasversali u multidimensjonali aktar effikaċi;

3.

Iqis li l-approċċ attwali tal-UE għar-reżiljenza, inklużi l-impenji biex ikunu indirizzati l-kawżi sottostanti tal-kriżijiet u tal-vulnerabbiltà, kif stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2013, jibqa' fundamentalment validu u jenħtieġ li jitkompla, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa li l-lezzjonijiet misluta mill-implimentazzjoni ta' din il-politika jiġu riflessi fil-komunikazzjoni konġunta l-ġdida; jistaqsi b'liema mod il-komunikazzjoni se tqis l-elementi mill-evalwazzjonijiet, billi evalwazzjoni importanti hija biss ippjanata li ssir fl-2018; jemmen li l-Pjan ta' Azzjoni 2013-2020 għar-Reżiljenza jenħtieġ li jiġi implimentat bis-sħiħ;

4.

Jenfasizza n-natura multidimensjonali (umana, ekonomika, ambjentali, politika, tas-sigurtà u soċjetali) tar-reżiljenza, u jilqa' pożittivament il-fatt li dan il-kunċett qiegħed isir wieħed importanti fil-politika estera u ta' sigurtà tal-UE, fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u fl-assistenza umanitarja; jenfasizza li l-mandat u l-objettivi distinti ta' kull politika jridu jiġu rispettati, filwaqt li tiġi promossa wkoll koerenza akbar bejn il-politiki fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli; ifakkar fl-importanza li jkun garantit il-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp f'kull azzjoni esterna tal-UE billi jiġi żgurat li l-politiki tal-UE ma jimminawx l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw intiżi li jilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

5.

Jenfasizza b'mod partikolari l-pożizzjoni speċjali tal-assistenza umanitarja, peress li din għandha tkun immexxija biss mill-ħtiġijiet u implimentata bl-akbar rispett lejn il-prinċipji umanitarji fundamentali tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem minquxa fil-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u fil-protokolli addizzjonali tagħhom; jenfasizza li r-rispett tal-prinċipji umanitarji huwa essenzjali biex jinkiseb aċċess għall-popolazzjonijiet fil-bżonn u għall-protezzjoni ta' atturi umanitarji;

6.

Jilqa' pożittivament il-fatt li l-għoti ta' għajnuna umanitarja mill-UE u mill-Istati Membri ma jenħtieġx ikun suġġett għal restrizzjonijiet imposti minn donaturi sħab oħra rigward kura medika neċessarja, inkluż l-aċċess għal abort sikur għal nisa u bniet li jkunu sfaw vittmi ta' stupru f'kunflitti armati, iżda minflok jenħtieġikun konformi mad-dritt umanitarju internazzjonali;

7.

Jenfasizza l-fatt li l-bini tar-reżiljenza fil-pajjiżi sħab jikkostitwixxi proċess fit-tul u li għalhekk għandu bżonn li jkun integrat fi programmi ta' żvilupp li jinkludu s-segmenti l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni u fl-impenji finanzjarji; jenfasizza li l-komunikazzjoni konġunta l-ġdida jenħtieġ li tirrikonoxxi dan u li tappoġġa l-promozzjoni tar-reżiljenza bħala element essenzjali tal-istrateġiji tal-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi sħab, partikolarment fi Stati fraġli; josserva li dawn l-istrateġiji għandhom ikunu speċifiċi għall-kuntest u konformi mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp, maqbula f'livell internazzjonali: is-sjieda tal-prijoritajiet ta' żvilupp min-naħa tal-pajjiżi sħab li jirċievu l-appoġġ (inkluż l-allinjament mal-istrateġiji nazzjonali ta' żvilupp), l-enfasi fuq ir-riżultati, is-sħubijiet inklużivi u t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti ta' monitoraġġ u ta' skrutinju tal-Parlament Ewropew, tal-parlamenti nazzjonali u tas-soċjetà ċivili;

8.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra r-reżiljenza u n-natura multidimensjonali tagħha bħala element ċentrali fid-djalogu politiku tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

9.

Jenfasizza l-importanza kumplessiva li l-programmazzjoni konġunta tal-azzjonijiet tal-UE mmirati għar-reżiljenza fl-assistenza umanitarja u fl-għajnuna għall-iżvilupp għall-iżgurar ta' komplementarjetà massima u inqas frammentazzjoni tal-għajnuna, u biex ikun żgurat li interventi f'terminu qasir ikunu l-pedamenti għal dawk f'terminu medju u twil;

10.

Jisħaq fuq l-importanza li tingħata assistenza teknika lill-pajjiżi l-inqas żviluppati u lill-Istati fraġli, b'mod partikolari fl-ambiti tal-ġestjoni sostenibbli tal-art, tal-konservazzjoni tal-ekosistemi u tal-provvista ta' ilma, billi dawn huma temi fundamentali għall-finijiet tal-ilħuq tal-benefiċċji kemm għall-ambjent kif ukoll għall-popolazzjonijiet li jiddependu minnu;

11.

Ifakkar li l-foqra huma dawk li x'aktarx għadhom iħossu l-konsegwenzi sinifikanti tad-diżastri f'termini ta' introjtu u ta' benesseri; jinsisti fuq il-fatt li l-objettiv primarju u ġenerali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE hu għaldaqstant il-qerda tal-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli biex ikun żgurat lil kulħadd id-dinjità u ħajja dinjituża;

12.

Jenfasizza l-importanza tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri fil-bini tar-reżiljenza; jistieden lill-UE tiżgura li l-promozzjoni tagħha ta' reżiljenza fil-komunikazzjoni konġunta l-ġdida tiġi allinjata mal-impenji u mal-objettivi stabbiliti fil-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri u li qegħdin jiġu implimentati permezz tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Sendai tal-Kummissjoni Ewropea intiż li jippromwovi approċċ informat tar-riskji ta' diżastri għall-politiki kollha tal-UE, u li jkun hemm biżżejjed riżorsi ddedikati għal din il-prijorità; jenfasizza li l-ġestjoni tar-riskju hija fundamentali biex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli u jappella għall-iżvilupp ta' strateġiji inklużivi lokali u nazzjonali għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u l-iżvilupp ta' approċċ għall-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri li jinkludi lis-soċjetà kollha u l-kategoriji kollha ta' riskju, bil-għan li tonqos il-vulnerabbiltà u titjieb ir-reżiljenza; jappella biex jissaħħu r-rabtiet bejn it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-politiki u l-inizjattivi urbani;

13.

Jappella sabiex ir-reżiljenza tal-komunità u dik personali u l-konċentrazzjoni fuq gruppi vulnerabbli – inklużi l-ifqar fis-soċjetà, il-minoranzi, il-familji, in-nisa, it-tfal, il-migranti, il-persuni bl-HIV, il-persuni LGBTI, il-persuni b'diżabilità u l-anzjani – jibqgħu ċentrali għall-promozzjoni tar-reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE; jenfasizza r-rwol ċentrali li jiżvolġu s-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali fil-bini tar-reżiljenza; jissottolinja wkoll l-importanza tal-ġbir u t-tixrid ta' data diżaggregrata biex tinftiehem u tkun indirizzata s-sitwazzjoni tal-gruppi vulnerabbli;

14.

Josserva li bini effikaċi tar-reżiljenza jrid jirrikonoxxi l-importanza tal-familji u jsostni l-kapaċità ta' assorbiment tagħhom tal-kriżijiet;

15.

Jappella għal programmazzjoni favur il-kwistjonijiet tal-ġeneru li ssaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa u tittratta t-tħassib tan-nisa billi tiżviluppa r-reżiljenza tagħhom għad-diżastri u għat-tibdil fil-klima, u li tħares id-drittijiet tan-nisa, inklużi d-drittijiet ta' proprjetà u s-sigurtà tad-dritt għaż-żamma ta' art, anki fir-rigward tal-ilma, il-foresti, l-alloġġi u beni oħrajn;

16.

Jappella għal sforzi ulterjuri biex jiżdied l-aċċess tan-nisa u tal-bniet għall-edukazzjoni tas-saħħa u tas-saħħa sesswali, għall-ippjanar tal-familja, għall-kuri li jsiru qabel ma jwelldu u għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, partikolarment biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' twettiq tal-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG) nru 5, dwar is-saħħa materna, inkluż it-tnaqqis tal-mortalità tat-trabi u tat-tfal u l-evitar tan-numru ta' każijiet ta' twelid b'riskju għoli;

17.

Jissottolinja l-importanza tal-aċċess għall-kura tas-saħħa u għas-servizzi, bħall-ilma, is-sanità u l-iġjene, f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, kif ukoll għall-ippjanar tas-saħħa fit-tul tal-komunità;

18.

Jinnota l-isfida partikolari li jirrappreżenta l-ispostament furzat u mtawwal għal ħafna pajjiżi fraġli u milquta minn kunflitti u l-ġirien tagħhom; jissottolinja li l-protezzjoni tal-persuni spostati trid tkun garantita b'mod inkundizzjonat u li l-bini tar-reżiljenza u tal-awtosuffiċjenza tal-popolazzjonijiet milquta u tal-komunitajiet li jilqgħuhom hu ta' importanza enormi, kif spjegat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Ħajja b'Dinjità”; ifakkar fl-importanza tal-awtosuffiċjenza għat-trawwim tad-dinjità u tar-reżiljenza;

19.

Jenfasizza l-bżonn li jkunu estiżi l-Konvenzjoni dwar ir-Rifuġjati u l-Konvenzjoni ta' Kampala biex ikunu protetti u assistiti l-persuni spostati tad-dinja kollha, kif ukoll il-persuni milquta minn forom oħra ta' vjolenza, bħat-traffikar tal-bnedmin u l-vjolenza sessista, peress li jista' jkollhom biża' fondat li jkunu ppersegwitati u jkunu f'riskju li jġarrbu preġudizzju gravi;

20.

Jirrikonoxxi r-reżiljenza tal-Istat bħala dimensjoni importanti tar-reżiljenza u jenfasizza li r-reżiljenza u l-istabilità tal-pajjiżi tiġi direttament mir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, is-saħħa tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet, u l-obbligu ta' rendikont liċ-ċittadini tal-pajjiż, iżda, qabel kollox, mill-involviment taċ-ċittadini, fuq bażi individwali jew f'għaqdiet, fl-identifikazzjoni tas-soluzzjonijiet possibbli – objettivi li, ilkoll kemm huma, iridu jiġu promossi u mħarsa fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE; jisħaq fuq l-importanza li tingħata spinta lis-servizzi pubbliċi, bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-ilma u s-sanità, bil-għan li r-reżiljenza tissaħħaħ;

21.

Jenfasizza li l-kunċett ta' reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE jenħtieġ li jżomm ambitu ġeografiku dinji; jinnota li t-trawwim tar-reżiljenza jenħtieġ li jkun objettiv tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab u li ma jkunx limitat għal żoni ġeografiċi li jiffaċċjaw kriżijiet tas-sigurtà b'impatt immedjat fuq l-UE; jissottolinja l-fatt li l-promozzjoni tar-reżiljenza jenħtieġ li, fi kwalunkwe każ, tagħti prijorità u attenzjoni partikolari lill-pajjiżi l-inqas żviluppati, lill-Istati fraġli u lill-pajjiżi suġġetti għal kriżijiet rikorrenti u staġjonali, filwaqt li tindirizza l-kawżi sottostanti tal-kriżijiet, primarjament permezz ta' sostenn favur l-attivitajiet ta' prevenzjoni u preparazzjoni;

22.

Jenfasizza l-importanza ta' sistemi ta' twissija bikrija u ta' kapaċitajiet ta' risposta bikrija bħala mekkaniżmu biex jippromwovi r-reżiljenza, u jistieden lill-UE żżid l-isforzi tagħha f'dan il-qasam, partikolarment billi tippromwovi kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-atturi differenti fuq il-post, b'mod partikolari fid-delegazzjonijiet tal-UE, u l-iżvilupp ta' analiżijiet konġunti f'kuntesti fraġli kif ukoll skambji fi ħdan reġjuni partikolarment esposti għal diżastri naturali li jħabbtu wiċċhom ma' riskji analogi, li tkun tippermetti fehim aħjar u rispons aktar koordinat bejn il-politiki u bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri;

23.

Jitlob li jkun hemm riżorsi suffiċjenti ddedikati għall-promozzjoni tar-reżiljenza, u dan kif jixraq mal-post li din tokkupa bħala waħda mill-prijoritajiet strateġiċi tal-UE; ikun jilqa' b'sodisfazzjon riflessjoni strateġika in vista tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss dwar il-mod kif l-UE tista' tuża b'mod aktar effiċjenti l-istrumenti ta' finanzjament esterni eżistenti u l-mekkaniżmi innovattivi, filwaqt li tkompli tallinjahom mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp maqbula f'livell internazzjonali, biex ir-reżiljenza tkun integrata sistematikament fl-istrateġiji u fil-programmi ta' żvilupp u assistenza; jenfasizza li l-azzjonijiet jistgħu jiġu ffinanzjati minn strumenti differenti li jaħdmu b'mod komplementari u jenfasizza li r-riżorsi minn strumenti ta' kooperazzjoni tal-iżvilupp jeħtiġilhom iżommu t-tnaqqis tal-faqar bħala l-għan ċentrali tagħhom;

24.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi msaħħa u żviluppata l-edukazzjoni fil-kuntest tad-diżastri u tal-kriżijiet u li jitjiebu t-tixrid, il-kumpilazzjoni u l-komunikazzjoni ta' informazzjoni u għarfien li għandhom jgħinu biex tinbena r-reżiljenza tal-komunità u jippromwovu bidliet fl-imġiba u kultura ta' stat ta' preparazzjoni għad-diżastri;

25.

Jinkoraġġixxi ż-żieda fil-kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat dwar it-tema tar-reżiljenza; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-importanza tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklużiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw”; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita ulterjorment l-involviment tas-settur privat billi toħloq inċentivi u l-ambjent adatt għall-entitajiet privati sabiex dawn jinvolvu ruħhom fil-bini tar-reżiljenza u jnaqqsu r-riskji fil-pajjiżi sħab;

26.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

(1)  ĠU C 468, 15.12.2016, p. 120.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2015)0459.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2017)0026.

(4)  OECD (2016), ''States of Fragility 2016: Understanding violence'' (Stati ta' Fraġilità: Nifhmu l-vjolenza), pubblikazzjoni tal-OECD, Pariġi


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/183


P8_TA(2017)0243

Il-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu (2017/2692(RSP))

(2018/C 307/29)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-preambolu tat-tieni inċiż, ir-raba' sas-seba' inċiż, u l-Artikolu 2, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 6 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tat-7 ta' Diċembru 2000,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (2),

wara li kkunsidra l-adozzjoni fl-2015 tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2106 (2016) tal-Kunsill tal-Ewropa tal-20 ta' April 2016 dwar l-impenn imġedded fil-ġlieda kontra l-antisemitiżmu fl-Ewropa,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Ewwel Seminar Akkademiku Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Kummissjoni, li sar fi Brussell fl-1 u t-2 ta' Ottubru 2015, bit-titolu ''Tolerance and respect: preventing and combating anti-Semitic and anti-Muslim hatred in Europe'',

wara li kkunsidra l-ħatra f'Diċembru 2015 ta' Koordinatur tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu,

wara li kkunsidra l-fatt li f'Ġunju 2016 ġie stabbilit Grupp ta' Livell Għoli tal-UE biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza,

wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors illegali ta' mibegħda onlajn miftiehem fil-31 ta' Mejju 2016 bejn il-Kummissjoni u kumpaniji ewlenin tal-IT, kif ukoll ma' pjattaformi u kumpaniji tal-midja soċjali oħrajn,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2015 (3),

wara li kkunsidra l-attakki vjolenti u terroristiċi mmirati kontra membri tal-komunità Lhudija li seħħew f'dawn l-aħħar snin f'diversi Stati Membri,

wara li kkunsidra r-responsabbiltà primarja tal-gvernijiet għas-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha tagħhom, u għalhekk ir-responsabbiltà primarja tagħhom għall-monitoraġġ, il-prevenzjoni tal-vjolenza, inkluża l-vjolenza anti-Semitika, u li jieħdu passi legali kontra l-awturi tar-reati;

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi n-numru ta' inċidenti anti-Semitiċi fl-Istati Membri tal-UE żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, kif irrappurtat mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), fost korpi oħrajn;

B.

billi ġie rrappurtat li miżuri tas-sigurtà mmirati, ladarba fis-seħħ, għenu għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-għadd ta' attakki vjolenti anti-Semitiċi;

C.

billi l-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu hija r-responsabilità tas-soċjetà kollha kemm hi;

1.

Jenfasizza li d-diskors ta' mibegħda u kull tip ta' vjolenza kontra ċittadini Lhud Ewropej huma inkompatibbli mal-valuri tal-Unjoni Ewropea;

2.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni jadottaw u japplikaw id-definizzjoni operattiva ta' anti-Semitiżmu użata mill-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawstu (IHRA) (4) sabiex jappoġġaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi fl-isforzi tagħhom biex jidentifikaw u jħarrku l-attakki anti-Semitiċi b'mod aktar effiċjenti u effettiv, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jsegwu l-eżempju tar-Renju Unit u tal-Awstrija f'dan ir-rigward;

3.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jikkontribwixxu b'mod attiv biex jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini Lhud tagħhom u tal-postijiet reliġjużi, edukattivi u kulturali tal-Lhud, f'konsultazzjoni u djalogu mill-qrib mal-komunitajiet tal-Lhud, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u NGOs li jaħdmu fil-qasam tal-anti-diskriminazzjoni;

4.

Jilqa' l-ħatra ta' Koordinatur tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi l-għodod kollha u l-appoġġ meħtieġa biex din il-funzjoni tkun kemm jista' jkun effettiva;

5.

Jistieden lill-Istati Membri jaħtru koordinaturi nazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu;

6.

Iħeġġeġ lill-membri tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali u lill-mexxejja politiċi jikkundannaw sistematikament u pubblikament id-dikjarazzjonijiet anti-Semitiċi u jinvolvu ruħhom f'diskors li jikkontrobatti dan u f'narrattivi alternattivi, u jwaqqfu gruppi parlamentari mill-partiti kollha kontra l-anti-semitiżmu sabiex tissaħħaħ il-ġlieda fl-ispettru politiku kollu;

7.

Jenfasizza r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-edukazzjoni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' mibegħda u intolleranza, u jappella għal aktar appoġġ finanzjarju;

8.

Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-midja tippromwovi r-rispett għal kull twemmin u apprezzament tad-diversità, kif ukoll taħriġ għal ġurnalisti dwar il-forom kollha ta' anti-Semitiżmu, sabiex jiġi indirizzat kwalunkwe preġudizzju possibbli;

9.

Jistieden lil dawk l-Istati Membri fejn s'issa għad ma kienx hemm invokazzjoni ta' motivi bbażati fuq ir-razza, l-oriġini nazzjonali jew etnika jew reliġjon jew twemmin bħala li jikkostitwixxu fattur aggravanti f'każ ta' reat kriminali, biex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni malajr kemm jista' jkun, u biex jaġixxu sabiex ikollhom id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali implimentata u infurzata bis-sħiħ u kif suppost, sabiex jiġi żgurat li l-atti anti-semitiċi kemm fl-ambjent onlajn kif ukoll offlajn jiġu mħarrka mill-awtoritajiet tal-Istati Membri;

10.

Jinsisti dwar il-ħtieġa li l-awtoritajiet ta' infurzar jiġu pprovduti b'taħriġ immirat dwar il-ġlieda kontra r-reati ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni, u dwar il-ħtieġa li jitwaqqfu unitajiet dedikati kontra r-reati ta' mibegħda fejn tali unitajiet ma jkunux għadhom jeżistu diġà, u jistieden lill-aġenziji tal-UE u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali jassistu lill-Istati Membri fil-provvista ta' taħriġ bħal dan;

11.

Iħeġġeġ kooperazzjoni transkonfinali fil-livelli kollha fil-prosekuzzjoni ta' reati ta' mibegħda, u fuq kollox fil-prosekuzzjoni ta' atti kriminali serji bħal attivitajiet terroristiċi;

12.

Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li titwaqqaf sistema komprensiva u u effiċjenti għall-ġbir sistematiku ta' data affidabbli, rilevanti u komparabbli dwar ir-reati ta' mibegħda, imqassma skont il-motivazzjoni u li tinkludi atti ta' terroriżmu;

13.

Jistieden lill-Istati Membri, f'dak li għandu x'jaqsam mal-Kodiċi ta' Kondotta miftiehem bejn il-Kummissjoni u kumpaniji ewlenin tal-IT, iħeġġu intermedjarji onlajn u pjattaformi tal-midja soċjali biex jieħdu azzjoni rapida għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda anti-Semitika onlajn;

14.

Jenfasizza li l-iskejjel joffru opportunità unika biex jiġu trażmessi l-valuri tat-tolleranza u r-rispett, peress li jilħqu lit-tfal kollha minn età bikrija;

15.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu t-tagħlim dwar l-Olokawstu (tax-Shoah) fl-iskejjel u jiżguraw li l-għalliema huma mħarrġa b'mod adegwat għal dan il-kompitu u mgħammra biex jindirizzaw id-diversità fil-klassi; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jikkunsidraw ir-reviżjoni tal-kotba tal-iskola biex jiżguraw li l-istorja Lhudija u l-ħajja kontemporanja Lhudija huma ppreżentati b'mod komprensiv u bilanċjat u li l-forom kollha ta' anti-Semitiżmu jiġu evitati;

16.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ finanzjarju għal attivitajiet u proġetti edukattivi immirati, biex jibnu u jsaħħu s-sħubijiet ma' komunitajiet u istituzzjonijiet Lhud, u jħeġġu l-iskambji bejn tfal u żgħażagħ ta' twemmin differenti permezz ta' attivitajiet konġunti, filwaqt li jniedu u jappoġġaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni f'dan ir-rigward;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib ma' atturi internazzjonali bħall-UNESCO, l-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll ma' sħab internazzjonali oħra, sabiex jiġu miġġielda l-anti-Semitiżmu fil-livell internazzjonali;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni titlob status konsultattiv fi ħdan l-IHRA;

19.

Jinkoraġġixxi lil kull Stat Membru jikkommemora uffiċjalment il-Jum Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawstu fis-27 ta' Jannar;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1)  ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(2)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2016)0485.

(4)  http://ec.europa.eu/newsroom/just/item-detail.cfm?item_id=50144


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/186


P8_TA(2017)0244

Konferenza ta’ Livell Għoli tan-NU b'Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-SDG 14 (Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-Konferenza ta' Livell Għoli tan-NU b'Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-SDG 14 (Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani) (2017/2653(RSP))

(2018/C 307/30)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (1) u l-objettivi tiegħu,

wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Livell Għoli tan-NU li jmiss b'Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-SDG 14 (Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani), li se titlaqqa' fil-kwartieri ġenerali tan-NU mill-5 sad-9 ta' Ġunju 2017,

wara li kkunsidra r-raba' konferenza ta' livell għoli “Our Ocean”, li se tiġi organizzata mill-Unjoni Ewropea f'Malta fil-5 u s-6 ta' Ottubru 2017,

wara li kkunsidra l-Konferenza Ministerjali dwar is-Sajd fil-Mediterran li saret f'Malta fit-30 ta' Marzu 2017,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' Novembru 2016 bit-titolu “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna” (JOIN(2016)0049),

wara li kkunsidra l-mistoqsija orali lill-Kummissjoni dwar il-Konferenza ta' Livell Għoli tan-NU b'Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-SDG 14 (Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani) (O-000031/2017 – B8-0311/2017),

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-oċeani u l-ibħra huma essenzjali għall-ħajja, il-benessri u l-futur tagħna; billi d-deterjorament rapidu attwali tas-saħħa tal-oċeani – minħabba t-tisħin u l-aċidifikazzjoni tal-oċeani, l-ibbliċjar tal-koralli, iż-żieda fil-pressjoni fuq l-istokkijiet tal-ħut, u ż-żieda fl-ammont ta' żibel fil-baħar – qed iwissina li wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni sabiex nimmobilizzaw it-tmexxija neċessarja biex inħarsu l-oċeani tagħna;

B.

billi l-Kummissarju Vella appella għal azzjoni u impenn ulterjuri min-naħa tal-UE biex jitħarsu l-ibħra u l-oċeani tagħna;

C.

billi t-theddidiet għall-ekosistemi u l-postijiet għas-sajd ikkawżati mill-attivitajiet marbuta mat-Tkabbir Blu, bħall-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar, l-ipprospettar taż-żejt u l-enerġija mill-marea u mill-mewġ, flimkien mar-riskji li jinvolvu dawn l-attivitajiet, huma inċerti, imorru lil hinn minn kull fruntiera u jaffettwaw iż-żoni ta' sajd tradizzjonali;

D.

billi l-aċċess għas-swieq u r-riżorsi min-naħa ta' sajjieda li jaħdmu fuq skala żgħira u sajjieda artiġjanali huwa prijorità tal-Aġenda tan-NU 2030; billi s-sajjieda jenħtieġ ikollhom leħen fil-fażijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet kollha tal-politiki dwar is-sajd;

E.

billi s-sajd artiġjanali jirrappreżenta aktar minn 90 % tal-ħaddiema fil-qasam tas-sajd, li madwar nofshom huma nisa, u bejn wieħed u ieħor 50 % tal-qabdiet ta' ħut globali; billi, kif iddikjarat fil-Linji Gwida Volontarji tal-FAO għall-Iżgurar tas-Sostenibilità tas-Sajd fuq Skala Żgħira fil-Kuntest tas-Sigurtà Alimentari u l-Qerda tal-Faqar, is-sajd artiġjanali huwa sors prezzjuż ta' proteina mill-annimali għal biljuni ta' persuni fid-dinja kollha u spiss jagħti sostenn lill-ekonomiji lokali fil-komunitajiet kostali;

1.

Jilqa' l-inizjattiva meħuda biex titlaqqa' l-Konferenza ta' Livell Għoli tan-NU bil-għan li ssir enfasi fuq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fuq livell globali sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv tal-attivitajiet tal-bniedem fuq l-oċeani;

2.

Jinnota li minkejja l-impenn tad-dinja li tnaqqas is-sajd eċċessiv sal-2015, impenn li ttieħed fl-2002 waqt is-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Johannesburg, 31,4 % tal-istokkijiet tal-ħut tad-dinja għadhom qed jiġu soġġetti għal sajd eċċessiv; ifakkar li s-sajd eċċessiv jikkostitwixxi theddida serja, mhux biss għall-ekosistemi tal-baħar kollha kemm huma, iżda wkoll għas-sigurtà alimentari u s-sostenibilità ekonomika u soċjali tal-komunitajiet kostali fid-dinja kollha;

3.

Jinsab imħasseb li l-aċidifikazzjoni tal-oċeani minħabba livelli dejjem ogħla ta' diossidu tal-karbonju qed ikollha impatti negattivi fuq bosta organiżmi tal-baħar; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati miżuri ta' adattament u mitigazzjoni transettorjali effikaċi bil-għan li tinbena reżiljenza għall-aċidifikazzjoni tal-oċeani u l-impatti ta' ħsara minħabba t-tibdil fil-klima, fuq l-oċeani kif ukoll fuq l-ekosistemi kostali;

4.

Jisħaq fuq il-ħtieġa biex fil-ġestjoni tas-sajd globali jiġi implimentat approċċ prekawzjonarju u bbażat fuq l-ekosistemi kif minqux fit-Trattati u fil-Politika Komuni tas-Sajd, bil-għan li jinbnew mill-ġdid l-istokkijiet tal-ħut sfruttati u jinżammu 'l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli;

5.

Jitlob li kwalunkwe deċiżjoni dwar is-sussidji tas-sajd għandha tqis l-ispeċifiċitajiet tas-sajd fuq skala żgħira u s-sajd artiġjanali, il-karattru lokali tagħhom u r-rwol fundamentali li għandhom fl-iżgurar ta' sovranità tal-ikel u s-sopravivenza ekonomika u soċjali tal-komunitajiet kostali;

6.

Iħeġġeġ lill-Istati jirrispettaw ir-responsabilitajiet rispettivi tagħhom bħala stati tal-bandiera, tal-kosta, tal-port u tas-suq, b'mod partikolari billi:

l-istati tal-bandiera – jimplimentaw bis-sħiħ il-miżuri ta' ġestjoni internazzjonali u nazzjonali biex jiżguraw li l-bastimenti li jkunu qed itajru l-bandiera tagħhom jirrispettaw ir-regoli;

l-istati tal-kosta – jiżguraw li fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom isir sajd sostenibbli u jikkontrollaw l-aċċess għal dawn l-ibħra bil-għan li jipprevjenu s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU);

l-istati tal-port – jirratifikaw u jimplimentaw bis-sħiħ il-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port tal-FAO (l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti);

l-istati tas-suq – jieħdu miżuri biex jiżguraw li jkun hemm koordinament aħjar bejn il-ġlieda kontra s-sajd IUU u l-politika tal-kummerċ u tas-suq;

7.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġu kkonservati minn tal-anqas 10 % taż-żoni kostali u marini, f'konformità mal-SDG 14.5;

8.

Jisħaq fuq l-importanza tal-SDG 14.7 f'dak li jikkonċerna ż-żieda tal-benefiċċji ekonomiċi għal stati ġżejjer żgħar li għadhom qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-anqas żviluppati mill-użu sostenibbli tar-riżorsi marini, fosthom permezz tal-ġestjoni sostenibbli tas-sajd, l-akwakultura u t-turiżmu;

9.

Jappella biex tittejjeb il-ġestjoni tas-sajd sostenibbli, fosthom permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri ta' ġestjoni bbażati fuq ix-xjenza;

10.

Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni reġjonali msaħħa bejn l-istati kollha fil-ġestjoni tas-sajd bil-għan li jsir sfruttament sostenibbli u ekwu tal-ispeċijiet migratorji, speċjalment f'dak li jikkonċerna l-istimi xjentifiċi tal-istokk, il-monitoraġġ, is-sorveljanza u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd kif mitlub mill-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet tal-Ħut tal-1995 u t-tliet Konferenzi ta' Rieżami tal-2006, l-2010 u l-2016; jemmen li l-ispeċijiet kollha sfruttati kummerċjalment għandhom ikunu koperti minn organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd b'setgħat miżjuda bil-għan li jissaħħu b'mod effiċjenti d-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni u l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippromwovu aktar il-prinċipji u l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd;

12.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lis-Segretarjat tal-UNFCCC b'talba biex titqassam lill-Partijiet li mhumiex membri tal-UE.

(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Parlament Ewropew

Il-Ħamis 1 ta’ Ġunju 2017

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/188


P8_TA(2017)0232

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács (2016/2266(IMM))

(2018/C 307/31)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács, mibgħuta fid-19 ta' Settembru 2016 minn Dr Péter Polt, il-Prosekutur Ġenerali tal-Ungerija, b'rabta ma' proċedimenti kriminali mibdija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewlieni Ċentrali ta' Investigazzjoni kontrih u mħabbra fis-seduta plenarja fit-3 ta' Ottubru 2016,

wara li stieden lis-Sur Kovács biex jinstema' fit-12 ta' Jannar, fit-30 ta' Jannar u fit-22 ta' Marzu 2017, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, l-Artikoli 10(2) u 12(1) tal-Att LVII tal-2004 dwar l-Istatus legali tal-Membri tal-Parlament Ewropew Ungeriżi u l-Artikolu 74(1) u (3) tal-Att XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali,

wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0203/2017),

A.

billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Ungerija talab it-tneħħija tal-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Béla Kovács, sabiex ikunu jistgħu jitwettqu investigazzjonijiet biex jiġi vverifikat jekk hux se jitressaq att ta' akkuża kontrih fir-rigward tar-reati ta' frodi baġitarju li jirriżulta f'telf finanzjarju sostanzjali skont l-Artikolu 396(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż u ta' użu multiplu ta' dokumenti privati foloz skont l-Artikolu 345 tal-Kodiċi Kriminali; billi, skont dak l-Artikolu, kwalunkwe persuna li tuża dokument privat falsifikat jew falz jew dokument privat b'kontenut mhux veritier għall-forniment ta' provi tal-eżistenza, it-tibdil jew it-terminazzjoni ta' dritt jew obbligu, tkun ħatja ta' reat minuri punibbli bi priġunerija ta' mhux aktar minn sena;

B.

billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lid-deputati tal-parlament tagħhom;

C.

billi, skont l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu intitolati għall-immunità; billi, skont l-Artikolu 10(2) tal-Att LVII tal-2004 dwar l-Istatus tal-Membri tal-Parlament Ewropew Ungeriżi, il-Membri tal-Parlament Ewropew huma intitolati jgawdu l-istess immunità bħall-Membri tal-Parlament Ungeriż, u skont l-Artikolu 12(1), id-deċiżjoni li tiġi sospiża l-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew għandha taqa' fil-kompetenza tal-Parlament Ewropew; billi, skont l-Artikolu 74(1) tal-Att XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali, proċedimenti kriminali jew, fin-nuqqas ta' sistema volontarja ta' tneħħija tal-immunità fil-każ ikkonċernat, proċedimenti għal reati minuri jistgħu jiġu applikati biss kontra l-Membru bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Assemblea Nazzjonali; billi, skont l-Artikolu 74(3) tal-istess liġi, qabel il-preżentazzjoni tal-att ta' akkuża, il-mozzjoni għas-sospensjoni tal-immunità għandha tiġi ppreżentata mill-Prosekutur Ġenerali;

D.

billi, skont l-Artikolu 21(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (2), il-Membri għandhom ikunu intitolati għall-għajnuna mill-persunal personali li huma jistgħu jagħżlu b'mod ħieles u l-Parlament għandu jħallas l-ispejjeż reali inkorsi mill-Membri għall-impjieg ta' tali persunal personali;

E.

billi, skont l-Artikolu 34(4) tad-Deċiżjonijiet tal-Bureau tad-19 ta' Mejju u tad-9 ta' Lulju 2008 dwar miżuri ta' implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, l-ispejjeż inkorsi marbuta ma' ftehimiet ta' traineeship, abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Bureau, jistgħu jitħallsu wkoll;

F.

billi, skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Bureau tad-19 ta' April 2010 dwar ir-Regoli dwar it-Trainees tal-Membri, il-Membri tal-Parlament Ewropew, bl-għan li jikkontribwixxu għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali Ewropej u għall-promozzjoni ta' fehim aħjar tal-mod kif tiffunzjona l-Istituzzjoni, jistgħu joffru traineeships fi Brussell u fi Strasburgu waqt is-sessjonijiet plenarji jew waqt l-attivitajiet tagħhom bħala Membri fil-pajjiż fejn il-Membru kkonċernat ikun ġie elett f'kull każ;

G.

billi, skont l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regoli dwar it-Trainees, arranġamenti speċifiċi fir-rigward tat-traineeship għandhom ikunu inklużi fi ftehim bil-miktub dwar it-traineeship iffirmat kemm mill-Membru kif ukoll mit-trainee; billi, il-ftehim għandu jinkludi klawsola li tiddikjara b'mod espliċitu li l-Parlament Ewropew ma jistax jiġi kkunsidrat bħala parti għall-ftehim; billi, skont l-Artikolu 5(4), l-ispejjeż marbuta mat-traineeships, inklużi boroż ta' studju u l-kost tal-polza tal-assigurazzjoni jekk tkun tħallset mill-Membru, jistgħu jitħallsu mill-Allowance għall-Assistenza Parlamentari, skont l-Artikolu 33(4) tal-Miżuri ta' Implimentazzjoni, fil-limiti ta' dik l-allowance;

H.

billi, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(1) tar-Regoli dwar it-Trainees, il-borża ta' studju mogħtija lil trainee ma tridx tkun tali li tikkostitwixxi, fil-verità, forma moħbija ta' remunerazzjoni; billi, skont l-Artikolu 7(1), matul it-traineeship kollha, it-trainees għandhom ikunu taħt ir-responsabilità unika tal-Membru li miegħu jkunu affiljati;

I.

billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri, suspett serju u preċiż biżżejjed li t-talba għat-tneħħija kienet saret b'rabta mal-proċedimenti mressqa bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru kkonċernat;

J.

billi d-deċiżjoni tal-President tal-Parlament preċedenti li jimponi l-penali ta' twissija għal ksur tal-Artikolu 1(a) tal-Kodiċi ta' Kondotta mis-Sur Kovács (3) ma tistax titqies li tekwivali għal sentenza ġudizzjarja li tikkostitwixxi res judicata dwar kwistjonijiet relatati ma' proċedimenti kriminali mibdija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewlieni Ċentrali ta' Investigazzjoni; billi, konsegwentement, ma hemmx ksur tal-prinċipju ne bis in idem; billi, konsegwentement, is-sanzjoni imposta mill-ex President tal-Parlament Ewropew skont il-Kodiċi ta' Kondotta ma twaqqafx milli l-proċedimenti kriminali jinbdew jew jitmexxew fl-Ungerija biex jintwera jekk huwiex se jitressaq att ta' akkuża kontrih;

1.

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Béla Kovács;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Ungerija u lil Béla Kovács.

(1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et. al, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI:EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.

(2)  ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1.

(3)  Ara l-Anness I tar-Regoli ta' Proċedura, Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-interessi finanzjarji u l-kunflitti ta' interess.


III Atti preparatorji

IL-PARLAMENT EWROPEW

It-Tlieta 16 ta’ Mejju 2017

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/191


P8_TA(2017)0201

Protokoll għall-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Mongolja (adeżjoni tal-Kroazja) ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll għall-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (09264/2016 – C8-0455/2016 – 2015/0113(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 307/32)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (09264/2016),

wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll għall-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (08940/2016),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207 u 209 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0455/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0074/2017),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Mongolja.

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/192


P8_TA(2017)0202

Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Bożnija-Ħerzegovina (adeżjoni tal-Kroazja) ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (13824/2016 – C8-0527/2016 – 2016/0311(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 307/33)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (13824/2016),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (13823/2016),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(i), u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0527/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0169/2017),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Bożnija-Ħerzegovina.

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/193


P8_TA(2017)0203

Ftehim UE-Norveġja dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020 (13710/2016 – C8-0005/2017 – 2016/0322(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 307/34)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (13710/2016),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020 (13711/2016),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 77(2)(a) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0005/2017),

wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0174/2017),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Renju tan-Norveġja.

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/194


P8_TA(2017)0204

L-adeżjoni tal-UE mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton (ICAC) ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton (ICAC) 15540/2016 – C8-0024/2017 – 2016/0349(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 307/35)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (15540/2016),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207(3) and (4) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0024/2017),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0187/2017),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

L-Erbgħa 17 ta’ Mejju 2017

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/195


P8_TA(2017)0209

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni FEG/2016/008 FI/Nokia Network Systems

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – FEG/2016/008 FI/Nokia Network Systems) (COM(2017)0157 – C8-0131/2017 – 2017/2058(BUD))

(2018/C 307/36)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0157 – C8-0131/2017),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0196/2017),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassisti fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.

billi jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi utilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-“FEG”);

C.

billi l-Unjoni tippromwovi l-globalizzazzjoni; billi l-Unjoni tieħu ħsieb lill-individwi li, mumentanjament, ikunu soġġetti għal bidliet fis-suq globali; billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jintroduċu mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex jistabbilixxu l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-istima tal-ammont totali kemm se jiġu jiswew il-miżuri proposti, biex jestendu l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jintroduċu lill-persuni li jaħdmu għal rashom u liż-żgħażagħ, u biex jiffinanzjaw inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.

billi l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni FEG/2016/008 FI/Nokia Network Systems għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għas-sensji li ngħataw fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 26 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi) f'Nokia Oy (Nokia Network Systems) u fi tliet fornituri u produtturi aktar 'il quddiem fil-katina ta' produzzjoni, li fil-biċċa l-kbira joperaw fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' Helsinki-Uusimaa (Uusimaa) (FI1B), Länsi-Suomi (Pirkanmaa) (FI19) u Pohjois- ja Itä-Suomi (Pohjois-Pohjanmaa) (FI1D) u billi, mid-945 ħaddiema mogħtija s-sensja li huma eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-FEG, 821 huma mistennija jieħdu sehem fil-miżuri;

E.

billi l-applikazzjoni ġiet ippreżentata skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li minn tal-anqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jingħataw is-sensja minn fornituri u produtturi aktar 'il quddiem fil-katina ta' produzzjoni;

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG ġew sodisfatti u li, għalhekk, il-Finlandja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 641 800 skont dak ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 4 403 000;

2.

Jinnota li l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-22 ta' Novembru 2016 u li, wara li l-Finlandja prontament ipprovdiet informazzjoni addizzjonali, il-valutazzjoni tagħha ġiet iffinalizzata mill-Kummissjoni fis-7 ta' April 2017 u ġiet innotifikata lill-Parlament dakinhar stess;

3.

Ifakkar li s-settur “Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi” diġà kien is-suġġett ta' 15-il applikazzjoni għal intervent mill-FEG, li tlieta minnhom ġew ippreżentati mill-Finlandja (4), ilkoll abbażi tal-kriterji ta' globalizzazzjoni; jinnota li erbgħa minn dawn il-15-il applikazzjoni kienu jikkonċernaw kumpaniji Nokia; jinnota li r-rapporti finali għall-każ tal-2012 juru li 44 % mill-parteċipanti f'attivitajiet taħt il-FEG kienu f'impjieg sa sentejn wara d-data tal-applikazzjoni tal-Finlandja għal intervent mill-FEG u l-każ tal-2013 juri li 65 % kienu f'impjieg; jistenna li l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni, li hija mistennija sat-30 ta' Ġunju 2017 (5), tinkludi informazzjoni dettaljata dwar ir-rata ta' riintegrazzjoni fuq żmien twil għal min jirċievi l-assistenza mill-FEG, skont l-appell li diġà għamel fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Settembru 2016 (6);

4.

Ifakkar li t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni jiżvolġu rwol strutturalment kruċjali fl-ekonomija Finlandiża; jikkunsidra li s-sensji l-aktar riċenti li ngħataw f'Nokia Oy jirriflettu tendenza li qed tolqot lill-industrija teknoloġika Finlandiża kollha kemm hi, fejn in-numri tal-impjegati f'dawn l-aħħar sentejn huma estremament instabbli b'riżultat tal-pressjoni għolja biex tiżdied l-effiċjenza u tinżamm il-kompetittività tal-prodotti;

5.

Ifakkar li l-industrija tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni hija sensittiva ħafna għall-bidliet fis-suq globali; jinnota li l-kompetizzjoni fi ħdan is-settur hija waħda globali, u dan ifisser li l-parteċipanti kollha fis-suq jistgħu jikkompetu għall-istess klijenti u li l-post fejn ikun jinsab il-persunal u l-kuntest kulturali tiegħu għandhom sinifikat limitat;

6.

Jinnota li s-sensji li ngħataw f'Nokia Oy huma parti mill-programm ta' trasformazzjoni dinjija tal-kumpanija li huwa meħtieġ sabiex din tkun tista' tikkompeti mar-rivali tagħha fl-Asja tal-Lvant;

7.

Jindika li, b'segwitu għall-istabbiliment ta' impriża konġunta ma' Siemens fil-qasam tat-teknoloġiji tan-netwerks, Nokia Oy ħadet għadd ta' miżuri, inklużi trasferiment tar-riżorsi tagħha lejn it-teknoloġiji tal-ġejjieni u riduzzjoni tal-persunal, immirati biex tnaqqas l-ispejjeż operattivi annwali tagħha b'EUR 900 miljun sa tmiem l-2018;

8.

Jinnota li l-persuni li sfaw tilfu xogħolhom minn Nokia Oy fl-2016 huma kollha persuni gradwati mill-Università (40 %) jew għandhom livell sekondarju (60 %) u kienu jaħdmu fis-settur tal-ipprogrammar u d-disinn, u li f'ħafna każijiet il-ħiliet professjonali tagħhom spiċċaw skaduti; jinnota li 21 % tal-benefiċjarji fil-mira għandhom aktar minn 54 sena, li hija età meta jkun notevolment diffiċli li jinstab impjieg ġdid fuq is-suq tax-xogħol; jinnota barra minn hekk li r-rati tal-qgħad ilhom ogħla mill-medja nazzjonali fi tnejn mit-tliet reġjuni kkonċernati, u li l-qgħad fost dawk b'livell għoli ta' edukazzjoni qiegħed kumplessivament fi grad għoli f'dawn ir-reġjuni, fejn is-sitwazzjoni hija partikolarment diffiċli għall-impjegati ta' aktar minn 50 sena;

9.

Jirrikonoxxi l-fatt li l-Finlandja fasslet il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, u li l-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Impjiegi laqqa' lil Grupp ta' Ħidma li jinkludi lir-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira u lis-sħab soċjali, nazzjonali u reġjonali;

10.

Jinnota li l-Finlandja qiegħda tippjana seba' tipi ta' miżuri: (i) miżuri ta' tirwim u miżuri preparatorji oħra, (ii) servizzi favur l-impjiegi u l-impriżi, (iii) taħriġ, (iv) għotjiet għal negozji ġodda, (v) valutazzjonijiet minn esperti, (vi) sussidji fuq il-pagi, u (vii) allowances għall-ispejjeż ta' vjaġġar, ta' soġġorn u ta' ġarr; jinnota li dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol; jinnota li dawn il-miżuri se jgħinu biex dawk il-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jsibu impjieg ġdid;

11.

Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jikkostitwixxu anqas minn 13,34 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, perċentwal li huwa ferm taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' xogħol jew ta' taħriġ;

12.

Jilqa' l-fatt li s-servizz tan-netwerk EURES qed jintuża biex ir-reklami għal impjiegi barranin jiġu mgħoddija lill-Finlandiżi li qed ifittxu xogħol; jinnota li se jiġu organizzati avvenimenti ta' reklutaġġ internazzjonali fuq livell reġjonali b'kooperazzjoni mas-servizzi tal-FEG u tal-EURES; jilqa' dawn il-miżuri u l-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi qed jinkoraġġixxu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja biex jisfruttaw kompletament id-dritt tagħhom ta' moviment liberu;

13.

Jilqa' l-varjetà ta' taħriġ u servizzi konsultattivi li se tiġi pprovduta, flimkien mal-appoġġ għal min ikun qed ifittex xogħol barra mill-Finlandja u għan-negozji ġodda; jikkunsidra li dawn il-miżuri huma partikolarment adegwati minħabba l-profil tal-etajiet u l-ħiliet tal-ħaddiema kkonċernati;

14.

Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati fit-2 ta' Ġunju 2016, ferm qabel l-applikazzjoni għal appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

15.

Ifakkar li, bi qbil mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, jenħtieġ li t-tfassil tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati bl-appoġġ tal-FEG jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet rikjesti, u li jkun kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija li tkun effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

16.

Jilqa' l-fatt li ġie allokat l-ammont ta' EUR 59 000 għall-informazzjoni u r-reklamar, u jisħaq fuq l-importanza tagħhom biex jinkoraġġixxu lill-benefiċjarji eliġibbli jipparteċipaw fil-miżuri bl-appoġġ tal-FEG;

17.

Jinnota li ġew allokati biżżejjed fondi għall-kontroll u r-rapportar; jinnota li rapportar sistematiku rigward is-servizzi li jkollhom l-appoġġ mill-FEG se jqawwi l-użu korrett tal-fondi; jilqa' l-fatt li ġie allokat ammont ta' EUR 20 000 għall-kontroll u r-rapportar

18.

Jinnota li Nokia Network Systems hija konformi mal-obbligi legali tagħha u kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti;

19.

Jisħaq li l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

20.

Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali nnifsu;

21.

Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi la l-azzjonijiet li jkunu r-responsabilità tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi; jinnota li l-Finlandja kkonfermat li huwa minnu li l-kontribuzzjoni mill-FEG mhijiex se tissostitwixxihom;

22.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jfittxu sinerġiji mal-azzjonijiet l-oħra ffinanzjati permezz ta' fondi nazzjonali jew tal-UE, u jutilizzaw programmi oħra tal-UE apparti l-miżuri fl-ambitu tal-FEG;

23.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti relatati mal-każijiet tal-FEG;

24.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

25.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

26.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)  FEG/2007/004 FI/Perlos, FEG/2012/006 FI/Nokia Salo, FEG/2013/001 FI/Nokia.

(5)  L-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(6)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-attivitajiet, l-impatt u l-valur miżjud tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bejn l-2007 u l-2014 (Testi adottati, P8_TA(2016)0361).


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – FEG/2016/008 FI/Nokia Network Systems)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE)2017/951.)


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/200


P8_TA(2017)0212

Tnedija ta’ skambju awtomatizzat ta’ data fir-rigward ta’ data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi fil-Kroazja *

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar it-tnedija ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi fil-Kroazja (05318/2017 – C8-0033/2017 – 2017/0801(CNS))

(Konsultazzjoni)

(2018/C 307/37)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (05318/2017),

wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji, li b'mod konformi magħhom il-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0033/2017),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0171/2017),

1.

Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.

Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/201


P8_TA(2017)0213

Oġġezzjoni għal att delegat: L-identifikar ta’ pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2017 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tat-tħassir tal-Guyana mit-tabella fil-punt I tal-Anness u ż-żieda tal-Etjopja f'dik it-tabella (C(2017)01951 – 2017/2634(DEA))

(2018/C 307/38)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2017)01951) (“ir-regolament delegat emendatorju”),

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1) (ir-4 Direttiva AML), u b'mod partikolari l-Artikoli 9(2) u 64(5) tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi (2), u b'mod partikolari l-Anness tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2016 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi (3),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2017 li takkumpanja r-regolament delegat emendatorju,

wara li kkunsidra x-xogħol li twettaq u l-konklużjonijiet li ntlaħqu s'issa miż-żewġ kumitati speċjali tal-Parlament – il-Kumitat tad-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri Oħra ta' Natura jew Effett Simili u l-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-Ħasil tal-Flus, l-Evitar tat-Taxxa u l-Evażjoni tat-Taxxa,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi r-regolament delegat, l-anness tiegħu u r-regolament delegat emendatorju huma maħsuba biex jidentifikaw pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi f'dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CTF) li jirrappreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-UE u li għalihom jinħtieġu miżuri msaħħa ta' diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti fl-entitajiet tal-UE li għandhom obbligi skont ir-4 Direttiva AML;

B.

billi l-aħħar Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi ilu fis-seħħ mit-23 ta' Settembru 2016;

C.

billi r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 se jibqa' fis-seħħ anke jekk ir-regolament delegat emendatorju jiġi miċħud;

D.

billi l-lista tal-pajjiżi tikkorrispondi mal-pajjiżi identifikati mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) fid-29 laqgħa plenarja tagħha mill-20 sal-24 ta' Frar 2017, anke wara l-emendi li introduċa r-regolament delegat emendatorju adottat mill-Kummissjoni fl-24 ta' Marzu 2017;

E.

billi, kif hemm stipulat fil-premessa 28 tar-4 Direttiva AML u ripetut fil-memorandum ta' spjegazzjoni (C(2016)04180) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija proċess awtonomu; billi l-Kummissjoni b'hekk hija libera li tmur lil hinn mill-istandards tal-FATF, jew billi żżomm pajjiż terz fil-lista tagħha anke jekk l-FATF tkun neħħietu minn dik tagħha, jew inkella billi tinkludi pajjiżi terzi addizzjonali dment li dan ikun bi qbil mal-kriterji speċifiċi stipulati fl-Artikolu 9(2) tar-4 Direttiva AML;

F.

billi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija proċess awtonomu li jrid isir b'mod komprensiv u imparzjali, u jivvaluta l-pajjiżi terzi kollha abbażi tal-istess kriterji definiti fl-Artikolu 9(2) tar-4 Direttiva AML;

G.

billi l-Parlament ċaħad regolament delegat emendatorju preċedenti (C(2016)07495) abbażi tal-fatt li l-proċess tal-Kummissjoni ma kienx awtonomu biżżejjed u ma rrikonoxxiex in-natura mhux eżawrjenti tal-lista ta' kriterji (“b'mod partikolari”) fl-Artikolu 9(2) tar-4 Direttiva AML, u b'hekk eskluda r-reati presupposti marbutin mal-ħasil tal-flus, bħalma huma r-reati fiskali;

H.

billi l-Parlament jibqa' tal-fehma li n-nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jistgħu jippersistu fir-rigward ta' diversi aspetti tal-Artikolu 9(2) f'ċerti pajjiżi li mhumiex inklużi fil-lista ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir fir-Regolament delegat emendatorju;

I.

billi, kif dovut, il-Parlament ħa nota tal-ittra tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2017, li tirreferi għall-eżerċizzju li l-Kummissjoni qed twettaq attwalment biex telenka x'possibilitajiet għandha li tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq sorsi esterni ta' informazzjoni; billi l-istabbiliment ta' proċess ta' evalwazzjoni awtonomu għal-lista tal-UE ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir, kif mitlub mill-Parlament, huwa waħda mill-għażliet li qed jiġu vvalutati;

J.

billi l-Parlament japprezza l-ħin u r-riżorsi li l-iżvilupp ta' proċess ta' evalwazzjoni awtonomu jista' jieħu, speċjalment minħabba l-ammont limitat ħafna ta' persunal u riżorsi disponibbli għall-Kummissjoni sabiex tevita reati finanzjarji, iżda jistenna impenn aktar sod mill-Kummissjoni bi stadji intermedji fissi u ambizzjużi li jridu jintlaħqu (bħal pereżempju pjan direzzjonali) sabiex tagħti messaġġ ċar dwar l-impenn konġunt tal-istituzzjonijiet lejn il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-finanzjament tat-terroriżmu;

K.

billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-Parlament flimkien talbu lill-Kummissarju responsabbli għal dan l-att delegat jidher quddiemhom sabiex ikollhom diskussjoni xierqa dwar il-proposta u l-oġġezzjoni tal-Parlament għaliha;

1.

Joġġezzjona għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u jinnotifikaha li r-Regolament delegat ma jistax jidħol fis-seħħ;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta att delegat ġdid li jikkunsidra t-tħassib imniżżel hawn fuq, li jkun jinkludi r-rakkomandazzjoni tal-Parlament biex tadotta pjan direzzjonali li jwassal għal proċess ta' evalwazzjoni awtonomu;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

(2)  ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2017)0008.


Il-Ħamis 18 ta’ Mejju 2017

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/203


P8_TA(2017)0221

Ftehim bejn l-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE 2014-2021 ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Prinċipat ta' Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE 2014-2021, il-Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu 2014-2021, il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja u l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Iżlanda (06679/2016 – C8-0175/2016 – 2016/0052(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 307/39)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06679/2016),

wara li kkunsidra l-abbozz għal Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Prinċipat ta' Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE 2014-2021 (06956/16),

wara li kkunsidra l-abbozz għal Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu 2014-2021 (06957/16),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (06960/16),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda (06959/16),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0175/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0072/2017),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehimiet u l-protokolli;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Iżlanda, ital-Prinċipat ta' Liechtenstein u tar-Renju tan-Norveġja.

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/204


P8_TA(2017)0224

Il-portabilità transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fis-suq intern (COM(2015)0627 – C8-0392/2015 – 2015/0284(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 307/40)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0627),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ressqet il-proposta lill-Parlament (C8-0392/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta' April 2016 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' April 2016 (2),

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-15 ta' Frar 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0378/2016),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 86.

(2)  ĠU C 240, 1.7.2016, p. 72.


P8_TC1-COD(2015)0284

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' Mejju 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fis-suq intern

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, r-Regolament (UE) 2017/1128.)


Il-Ħamis 1 ta’ Ġunju 2017

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/205


P8_TA(2017)0233

Ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi *

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE, rigward ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi (COM(2016)0758 – C8-0529/2016 – 2016/0374(CNS))

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

(2018/C 307/41)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2016)0758),

wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0529/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0189/2017),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.

Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda 1

Proposta għal direttiva

Premessa - 1 (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-1)

Fl-2013, id-differenza bejn id-dħul mistenni mill-VAT u l-VAT li fil-fatt inġabret (l-hekk imsejħa “diskrepanza tal-VAT”) fl-Unjoni kienet ta' madwar EUR 170 biljun, u l-frodi transfruntiera jammontaw għal telf ta' dħul mill-VAT fl-Unjoni ta' madwar EUR 50 biljun fis-sena, li jagħmlu l-VAT kwistjoni importanti li għandha tiġi indirizzata fil-livell tal-Unjoni.

Emenda 2

Proposta għal direttiva

Premessa 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (7) tistipula li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsin tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-pubblikazzjonijiet li għandhom kwalunkwe tip ta' appoġġ fiżiku. Madankollu, rata mnaqqsa tal-VAT ma tistax tiġi applikata għall-pubblikazzjonijiet pprovduti elettronikament, li għandhom jiġu ntaxxati bir-rata ta' VAT standard.

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (7) tistipula li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsin tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-pubblikazzjonijiet li għandhom kwalunkwe tip ta' appoġġ fiżiku. Madankollu, rata mnaqqsa tal-VAT ma tistax tiġi applikata għall-pubblikazzjonijiet pprovduti elettronikament, li għandhom jiġu ntaxxati bir-rata ta' VAT standard , b'tali mod li toħloq żvantaġġ għall-pubblikazzjonijiet ipprovduti elettronikament u li żżomm lura l-iżvilupp ta' dan is-suq . Dak l-iżvantaġġ komparattiv jista' jostakola l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali fl-Unjoni.

Emenda 3

Proposta għal direttiva

Premessa 1a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(1a)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-futur tal-VAT  (7a) , il-Parlament Ewropew fakkar li waħda mill-karatteristiċi ewlenin tal-VAT hija l-prinċipju tan-newtralità, u, għal dik ir-raġuni, huwa sostna li “l-kotba, il-gazzetti u r-rivisti kollha, irrispettivament mill-format tagħhom, għandhom jiġu trattati eżattament bl-istess mod”.

Emenda 4

Proposta għal direttiva

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2)

Bi qbil mal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni (8), u  biex jibqgħu aġġornati mal-progress teknoloġiku fl-ekonomija diġitali, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-fakultà li jallinjaw ir-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet pprovduti elettronikament mar-rati tal-VAT aktar baxxi fuq il-pubblikazzjonijiet fuq kwalunkwe mezz ta' appoġġ fiżiku.

(2)

Bi qbil mal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni (8), u  l-ambizzjoni tagħha li tiżgura li l-Ewropa tkun kompetittiva u fuq quddiem nett fid-dinja fl-ekonomija diġitali, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-fakultà li jallinjaw ir-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet pprovduti elettronikament mar-rati tal-VAT aktar baxxi fuq il-pubblikazzjonijiet fuq kwalunkwe mezz ta' appoġġ fiżiku , u b'hekk jistimulaw l-innovazzjoni, il-ħolqien, l-investiment u l-produzzjoni ta' kontenut ġdid, u jiffaċilitaw it-tagħlim diġitali, it-trasferiment tal-għarfien u l-aċċess għall-kultura fl-ambjent diġitali, u l-promozzjoni tagħha .

Emenda 5

Proposta għal direttiva

Premessa 2a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(2a)

Jekk l-Istati Membri jitħallew japplikaw rati mnaqqsa, rati mnaqqsa ħafna jew rati żero għal pubblikazzjonijiet stampati u għal pubblikazzjonijiet elettroniċi, dan għandu jiżgura t-trasferiment ta' benefiċċji ekonomiċi lill-konsumaturi – u b'hekk jippromwovi l-qari – kif ukoll lill-pubblikaturi, biex b'hekk jitħeġġeġ l-investiment f'kontenut ġdid u, fil-każ ta' gazzetti u rivisti, titnaqqas id-dipendenza fuq ir-reklamar.

Emenda 6

Proposta għal direttiva

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3)

Fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT (9), il-Kummissjoni qalet li l-pubblikazzjonijiet ipprovduti elettronikament għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess rata ta' VAT preferenzjali bħall-pubblikazzjonijiet li jkollhom xi mezz ta' appoġġ fiżiku. Biex dan l-għan jintlaħaq, jeħtieġ li tkun prevista l-possibbiltà għal kull Stat Membru li japplika rata mnaqqsa ta' VAT, jew rati mnaqqsin ħafna għall-forniment tal-kotba, tal-gazzetti u tal-perjodiċi, dan jinkludi l-possibbiltà li jingħataw l-eżenzjonijiet bil-possibbiltà tat-tnaqqis tal-VAT li tkun tħallset fl-istadju preċedenti.

(3)

Fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT (9), il-Kummissjoni qalet li l-pubblikazzjonijiet ipprovduti elettronikament għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess rata ta' VAT preferenzjali bħall-pubblikazzjonijiet li jkollhom xi mezz ta' appoġġ fiżiku. Biex dan l-għan jintlaħaq, jeħtieġ li tkun prevista l-possibbiltà għal kull Stat Membru li japplika rata mnaqqsa ta' VAT, jew rati mnaqqsin ħafna għall-forniment tal-kotba, tal-gazzetti u tal-perjodiċi, dan jinkludi l-possibbiltà li jingħataw l-eżenzjonijiet bil-possibbiltà tat-tnaqqis tal-VAT li tkun tħallset fl-istadju preċedenti. Din il-proposta hija bi qbil mal-objettiv li l-Istati Membri jingħataw aktar libertà biex jiffissaw ir-rati tal-VAT tagħhom fil-qafas ta' sistema tal-VAT definittiva u bbażata fuq id-destinazzjoni.

Emenda 7

Proposta għal direttiva

Premessa 3a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a)

F'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT, l-għan ta' din id-Direttiva huwa li jkun hemm sistemi tal-VAT aktar sempliċi, aktar reżistenti għall-frodi u favorevoli għan-negozji fl-Istati Membri kollha, kif ukoll li jinżamm il-pass mal-ekonomija diġitali u mobbli tal-lum.

Emenda 8

Proposta għal direttiva

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5)

Biex jevitaw l-użu estensiv ta' rati tal-VAT imnaqqsin għall-kontenut awdjoviżiv, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-fakultà li japplikaw rata mnaqqsa għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi biss jekk dawn il-pubblikazzjonijiet, kemm li għandhom mezz ta' appoġġ fiżiku, kif ukoll li huma pprovduti elettronikament, ma jikkonsistux kompletament jew b'mod predominanti minn kontenut ta' mużika jew ta' vidjo.

(5)

Biex jevitaw l-użu estensiv ta' rati tal-VAT imnaqqsin għall-kontenut awdjoviżiv, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-fakultà li japplikaw rata mnaqqsa għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi biss jekk dawn il-pubblikazzjonijiet, kemm li għandhom mezz ta' appoġġ fiżiku, kif ukoll li huma pprovduti elettronikament, ma jikkonsistux kompletament jew b'mod predominanti minn kontenut ta' mużika jew ta' vidjo. Filwaqt li titqies l-importanza li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kotba, il-gazzetti u l-perjodiċi għal persuni neqsin mid-dawl, b'vista batuta jew b'diffikultajiet oħrajn biex jaqraw materjal stampat skont it-tifsira tad-Direttiva … tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (9a) , il-kotba, il-gazzetti u l-perjodiċi elettroniċi adattati u awdjo għandhom jiġu mifhuma li ma jikkonsistux għalkollox jew b'mod predominanti minn kontenut ta' mużika jew ta' vidjo. Għaldaqstant, ir-rati mnaqqsa tal-VAT jistgħu jiġu applikati wkoll għal dawn il-formati.

Emenda 9

Proposta għal direttiva

Premessa 5a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(5a)

Il-fatt li l-Istati Membri jingħataw il-libertà li japplikaw rati tal-VAT imnaqqsa jew imnaqqsa ħafna għall-kotba elettroniċi, il-gazzetti elettroniċi u l-perjodiċi elettroniċi jista' joħloq opportunità ta' marġni ta' profitt ġodda għall-pubblikaturi u ta' investiment f'kontenut ġdid, meta mqabbel mal-mudell attwali li jiddependi ħafna fuq ir-reklamar. Fil-livell tal-Unjoni għandu wkoll jingħata bidu għal riflessjoni aktar ġenerali fuq il-mudell ta' finanzjament tal-kontenut elettroniku.

Emenda 10

Proposta għal direttiva

Premessa 6a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6a)

Il-flessibbiltà mogħtija lill-Istati Membri fil-kuntest tal-proposta attwali bl-ebda mod ma tippreġudika r-reġim definittiv tal-VAT biex jiġi varat u li fil-kuntest tiegħu kull żieda fil-flessibbiltà tkun teħtieġ tiġi bbilanċjata mal-impatt fuq il-funzjonament tas-suq uniku, il-kamp ta' applikazzjoni għall-frodi tal-VAT, iż-żieda fl-ispejjeż tan-negozju u r-riskju ta' kompetizzjoni inġusta.

Emenda 11

Proposta għal direttiva

Premessa 6b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6b)

Għalkemm din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jirrettifikaw sitwazzjoni ta' trattament inugwali, hija ma tneħħix il-ħtieġa għal sistema aktar ikkoordinata, effiċjenti u sempliċi ta' rati mnaqqsa tal-VAT b'inqas eċċezzjonijiet.

Emenda 12

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3

Direttiva 2006/112/KE

Anness III – punt 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6)

il-forniment, li jinkludi s-self mil-libreriji, ta' kotba, gazzetti u perjodiċi li mhumiex pubblikazzjonijiet kompletament jew b'mod predominanti ddedikati għar-reklamar u minbarra l-pubblikazzjonijiet li kompletament jew b'mod predominanti jikkonsistu minn kontenut ta'mużika jew ta' vidjo;

(6)

il-forniment, li jinkludi s-self mil-libreriji, ta' kotba, gazzetti u perjodiċi li mhumiex pubblikazzjonijiet kompletament jew b'mod predominanti ddedikati għar-reklamar u minbarra l-pubblikazzjonijiet li kompletament jew b'mod predominanti jikkonsistu minn kontenut ta'mużika jew ta' vidjo;  inklużi opuskoli, fuljetti u materjal simili stampat, kotba għat-tfal bl-istampi, tat-tpinġija jew tat-tpinġija bil-kulur, mużika stampata jew f'forma ta' manuskritt, mapep u mapep idrografiċi jew mapep simili.

Emenda 13

Proposta għal direttiva

Artikolu 2a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 2a

Monitoraġġ

Il-Kummissjoni Ewropea għandha, sa … [tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], tipproduċi rapport li jidentifika l-Istati Membri li jkunu adottaw rati tal-VAT imnaqqsa jew imnaqqsa ħafna għall-kotba, il-gazzetti u l-perjodiċi u l-ekwivalenti elettroniċi tagħhom, u tevalwa l-impatt ta' dawk il-miżuri f'termini ta' implikazzjonijiet baġitarji u l-iżvilupp tas-settur kulturali.


(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(7a)   Testi adottati, P7_TA(2011)0436.

(8)  COM(2015)0192 finali

(8)  COM(2015)0192 finali.

(9)  COM(2016)0148 finali

(9)  COM(2016)0148 finali.

(9a)   Direttiva … tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti użi permessi ta' xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (COM(2016)0596 final, 2016/0278(COD)) (ĠU …, p. …).


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/212


P8_TA(2017)0236

L-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi temporanji għall-Ukrajna ***I

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi temporanji għall-Ukrajna li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali disponibbli taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (COM(2016)0631 – C8-0392/2016 – 2016/0308(COD)) (1)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 307/42)

Emenda 1

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2)

Minħabba l-isforzi ta' riforma ekonomika tal-Ukrajna, u biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' relazzjonijiet ekonomiċi eqreb mal-Unjoni Ewropea , huwa xieraq li jiżdiedu l-flussi tal-kummerċ li jikkonċernaw l-importazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli u li jingħataw konċessjonijiet fil-forma ta' miżuri kummerċjali awtonomi fi prodotti industrijali selezzjonati skont l-aċċellerazzjoni tat-tneħħija tad-dazji doganali fuq il-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna.

(2)

Bil-ħsieb li jitqawwew l-isforzi ta' riforma ekonomika u politika tal-Ukrajna, u biex jiġi appoġġat u mħaffef l-iżvilupp ta' relazzjonijiet ekonomiċi eqreb mal-Unjoni, huwa xieraq u meħtieġ li jiżdiedu l-flussi tal-kummerċ li jikkonċernaw l-importazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli u li jingħataw konċessjonijiet fil-forma ta' miżuri kummerċjali awtonomi fi prodotti industrijali selezzjonati skont l-aċċellerazzjoni tat-tneħħija tad-dazji doganali fuq il-kummerċ bejn l-Unjoni u l-Ukrajna.

Emenda 2

Proposta għal regolament

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3)

Il-miżuri kummerċjali awtonomi jingħataw f’forma ta’ kwoti ta’ tariffa żero għall-prodotti elenkati fl-Annessi I u II, minbarra l-kwoti tar-rati tariffarji preferenzjali stabbiliti fil-Ftehim, u t-tneħħija parzjali jew sħiħa tad-dazji tal-importazzjoni fuq il-prodotti industrijali elenkati fl-Anness III;

(3)

Wara li l-Kummissjoni tippubblika l-analiżi tagħha rigward l-impatt potenzjali ta' dan ir-Regolament, li jenħtieġ li tikkunsidra lill-benefiċjarji aħħarin potenzjali tal-miżuri kummerċjali awtonomi inklużi f'dan ir-Regolament u tiffoka b'mod partikolari fuq il-produtturi ta' daqs żgħir u medju fl-Ukrajna, jenħtieġ li l-miżuri kummerċjali awtonomi jingħataw għall-prodotti li jiġu vvalutati li jkunu ta' ġid fid-dawl ta' dik l-analiżi. Jenħtieġ li dawk l-miżuri kummerċjali awtonomi jieħdu l-forma ta' kwoti ta' tariffa żero għall-prodotti elenkati fl-Annessi I u II, minbarra l-kwoti tar-rati tariffarji preferenzjali stabbiliti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni , u t-tneħħija parzjali jew sħiħa tad-dazji tal-importazzjoni fuq il-prodotti industrijali elenkati fl-Anness III;

Emenda 3

Proposta għal regolament

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4)

Sabiex jiġi evitat kull riskju ta' frodi, il-jedd għall-ibbenefikar mill-kwoti ta’ tariffa żero addizzjonali għandu jkun kundizzjonali għall-konformità mill-Ukrajna mar-regoli rilevanti tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati u l-proċeduri relatati magħhom kif ukoll l-involviment f’kooperazzjoni amministrattiva fil-qrib mal-Unjoni Ewropea kif ipprovdut fil-Ftehim ;

(4)

Sabiex jiġi evitat kull riskju ta' frodi, jenħtieġ li l-jedd għall-ibbenefikar mill-kwoti ta' tariffa żero addizzjonali għall-prodotti elenkati fl-Annessi I u II u t-tneħħija parzjali jew sħiħa tad-dazji tal-importazzjoni fuq il-prodotti industrijali elenkati fl-Anness III jkunu kundizzjonali fuq il-konformità min-naħa tal-Ukrajna mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha biex jinkisbu l-benefiċċji taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż mar-regoli rilevanti tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati u l-proċeduri relatati magħhom kif ukoll l-involviment f'kooperazzjoni amministrattiva fil-qrib mal-Unjoni Ewropea kif ipprovdut f' dak il-Ftehim ;

Emenda 4

Proposta għal regolament

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9)

L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprevedi li r-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett għall-prinċipju tal-istat tad-dritt jikkostitwixxu elementi essenzjali ta' dak il-Ftehim. Huwa xieraq li tiddaħħal il-possibbiltà li l-preferenzi jiġu temporanjament sospiżi f'każ ta' nuqqas ta' osservanza tal-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem , id-demokrazija u l-istat tad-dritt mill-Ukrajna .

(9)

L-Artikoli  2 u 3 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprevedu li r-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett għall-prinċipju tal-istat tad-dritt , kif ukoll l-isforzi favur il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u l-miżuri għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u multilateraliżmu effettiv, jikkostitwixxu elementi essenzjali tar-relazzjonijiet mal-Ukrajna, li huma rregolati minn dak il-Ftehim. Huwa xieraq li tiddaħħal il-possibbiltà li l-preferenzi jiġu temporanjament sospiżi fil-każ ta' nuqqas ta' osservanza min-naħa tal-Ukrajna tal-prinċipji ġenerali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni , kif diġà sar fil-ftehimiet ta' assoċjazzjoni l-oħra li ffirmat l-Unjoni .

Emenda 5

Proposta għal regolament

Premessa 9a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9a)

Jenħtieġ li r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tal-miżuri kummerċjali awtonomi previsti f'dan ir-Regolament.

Emenda 6

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 1 – parti introduttorja

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-jedd għall-ibbenefikar mill-kwoti tariffarji introdotti mill-Artikolu 1 għandu jkun soġġett għal:

Il-jedd għall-ibbenefikar mill-kwoti tariffarji u d-dazji doganali preferenzjali introdotti mill-Artikolu 1 għandhom jiġu soġġetti għal:

Emenda 7

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a)

il-konformità mar-regoli tal-oriġini tal-prodotti u l-proċeduri relatati magħhom kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u b’mod partikolari fil-Protokoll I dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, u fil-Protokoll II dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali;

(a)

il-konformità mar-regoli tal-oriġini tal-prodotti u l-proċeduri relatati magħhom kif previst fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u b'mod partikolari fil-Protokoll I dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti li joriġinaw” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, u fil-Protokoll II dwar assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali; fir-rigward tal-prodotti li jiġu mmanifatturati f'territorju li ma jkunx taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern tal-Ukrajna jew jintbagħtu minnu, il-preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' moviment EUR.1, kif imsemmi fl-Artikolu 16(1)(a) tal-Protokoll I għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li għandu jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-Gvern tal-Ukrajna, wara li jkun wettaq ispezzjoni tal-kontijiet tal-esportatur fil-bini tal-esportatur u kwalunkwe kontroll ieħor li jkun meqjus xieraq, bi qbil mal-Artikolu 17(5) u mal-Artikolu 33 ta' dak il-Protokoll, inkluża valutazzjoni ta' jekk hemmx ġustifikazzjoni raġonevoli biex dak li jkun jissuspetta li l-operaturi ekonomiċi li jkunu qed jibbenefikaw mill-miżuri kummerċjali awtonomi temporanji jkunu qed jagħmlu ħsara għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni jew ikunu involuti f'attivitajiet ekonomiċi illegali ;

Emenda 8

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b)

l-astensjoni mill-Ukrajna milli tintroduċi dazji ġodda jew imposti li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal importazzjonijiet li joriġinaw mill-Unjoni jew milli żżid il-livelli eżistenti ta' dazji jew imposti jew milli tintroduċi kull restrizzjoni oħra mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament;

(b)

l-astensjoni mill-Ukrajna milli tintroduċi dazji ġodda jew imposti li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal importazzjonijiet li joriġinaw mill-Unjoni jew milli żżid il-livelli eżistenti ta' dazji jew imposti jew milli tintroduċi kull restrizzjoni oħra , inklużi miżuri diskriminatorji amministrattivi interni , mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament;

Emenda 9

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt c

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c)

ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett tal-prinċipju tal-istat tad-dritt previsti fl-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

(c)

ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett tal-prinċipju tal-istat tad-dritt kif ukoll it-tkomplija u s-sosteniment tal-isforzi fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-attivitajiet illegali previsti fl-Artikoli 2, 3 u 22 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

Emenda 10

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt ca (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ca)

it-tkomplija tar-rispett għall-obbligi ta' kooperazzjoni rigward kwistjonijiet relatati mal-impjiegi, il-politika soċjali u l-opportunitajiet indaqs bi qbil mal-Kapitolu 13 tat-Titolu IV (Kummerċ u Żżvilupp Sostenibbli) u l-Kapitolu 21 tat-Titolu V (Koperazzjoni dwar l-impjiegi, il-politika soċjali u l-opportunitajiet indaqs) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 420 tiegħu.

Emenda 11

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Meta l-Kummissjoni ssib li jkun hemm biżżejjed evidenza ta' nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tista' tissospendi kompletament jew parzjalment l-arranġamenti preferenzjali pprovduti f'dan ir-Regolament, skont il-proċedura ta' eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2).

Meta l-Kummissjoni ssib li jkun hemm biżżejjed evidenza ta' nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, tista' tissospendi kompletament jew parzjalment l-arranġamenti preferenzjali pprovduti f'dan ir-Regolament, skont il-proċedura ta' eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2).

Emenda 12

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Meta Stat Membru jitlob li l-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe wieħed mill-arranġamenti preferenzjali fuq il-bażi ta' nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(b), il-Kummissjoni għandha tipprovdi opinjoni motivata fi żmien xahrejn minn tali talba dwar jekk l-allegazzjoni ta' nuqqas ta' konformità hijiex sostanzjata. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-allegazzjoni tkun sostanzjata, hija għandha tagħti bidu għall-proċedura msemmija fl-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu.

Emenda 13

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.   Meta prodott li joriġina fl-Ukrajna huwa importat fuq termini li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji għal produttur tal-Komunità għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament, id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni fuq prodott simili jistgħu jerġgħu jiġu introdotti f'kull ħin mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni .

1.   Meta prodott li joriġina fl-Ukrajna huwa importat fuq termini li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji għal produttur fl-Unjoni ta' prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta, id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni fuq tali prodott jistgħu jerġgħu jiġu introdotti f'kull ħin.

Emenda 14

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

1a.     Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ bir-reqqa tal-impatt ta' dan ir-Regolament fuq il-produtturi fl-Unjoni fir-rigward tal-prodotti elenkati fl-Annessi I u II, anke fir-rigward tal-prezzijiet fuq is-suq tal-Unjoni u waqt li titqies l-informazzjoni disponibbli rilevanti dwar il-produtturi fl-Unjoni, bħas-sehem mis-suq, il-produzzjoni, il-ħażniet, il-kapaċitajiet ta' produzzjoni u r-rati għall-użu tal-kapaċità.

Emenda 15

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Fuq talba ta' Stat Membru jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni formali biex tibda investigazzjoni fi ħdan perjodu ta' żmien raġonevoli. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti bidu għal investigazzjoni, din għandha tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar l-investigazzjoni. L-avviż għandu jipprovdi taqsira tal-informazzjoni riċevuta u jiddikjara li kwalunkwe informazzjoni rilevanti għandha tintbagħat lill-Kummissjoni. Għandu jispeċifika l-perjodu, li m'għandux jaqbeż l-erba' xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż, li fih il-partijiet interessati jistgħu jikkomunikaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub.

2.   Fuq talba ta' Stat Membru , kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li jaġixxu f'isem l-industrija fl-Unjoni, jiġifieri l-produtturi kollha fl-Unjoni jew proporzjon importanti minnhom ta’ prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess, jekk ikun ċar għall-Kummissjoni li teżisti biżżejjed evidenza prima facie , il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni formali biex tibda investigazzjoni fi ħdan perjodu ta' żmien raġonevoli. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, “proporzjon importanti” tfisser il-produtturi fl-Unjoni li l-produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali fl-Unjoni ta' prodotti simili jew prodotti f'kompetizzjoni diretta li jipproduċi dak is-sehem tal-industrija fl-Unjoni li jesprimi appoġġ jew oppożizzjoni għat-talba u mhux inqas minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodotti simili jew il-prodotti f'kompetizzjoni diretta li tipproduċi l-industrija fl-Unjoni. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti bidu għal investigazzjoni, din għandha tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar l-investigazzjoni. L-avviż għandu jipprovdi taqsira tal-informazzjoni riċevuta u jiddikjara li kwalunkwe informazzjoni rilevanti għandha tintbagħat lill-Kummissjoni. Għandu jispeċifika l-perjodu, li m'għandux jaqbeż l-erba' xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż, li fih il-partijiet interessati jistgħu jikkomunikaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub.

Emenda 16

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

6.   Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien tliet xhur, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5. Deċiżjoni simili għandha tidħol fis-seħħ fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tagħha.

6.   Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien tliet xhur, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5. Tali deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tagħha. Id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni għandhom jerġgħu jiġu introdotti għaż-żmien li jkun hemm bżonn biex jikkontrobattu d-degrad fil-qagħda ekonomika u/jew finanzjarja tal-produtturi fl-Unjoni, jew għaż-żmien li tippersisti t-theddida ta' tali degrad. Il-perjodu tal-introduzzjoni mill-ġdid m'għandux ikun ta' aktar minn sena, sakemm ma jiġix estiż minħabba ċirkostanzi ġġustifikati kif dovut. Meta l-fatti kif jiġu finalment stabbiliti juru li l-kundizzjonijiet indikati fl-Artikolu 4(1) ma jkunux ġew sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jtemm l-investigazzjoni u l-proċedimenti bi qbil mal-proċedura ta' eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2).

Emenda 17

Proposta għal regolament

Artikolu 5a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 5a

Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri kummerċjali awtonomi

Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv għandu jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tal-miżuri kummerċjali awtonomi previsti f'dan ir-Regolament u għandu jinkludi, sa fejn ikun xieraq, valutazzjoni tal-impatt soċjali ta' dawn il-miżuri fl-Ukrajna u fl-Unjoni. L-informazzjoni dwar l-użu tal-kwoti tar-rati tariffarji relatati mal-agrikoltura għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni permezz tas-siti tal-Kummissjoni fuq l-internet.

Emenda 18

Proposta għal regolament

Anness I – tabella – ringiela 4

Test propost mill-Kummissjoni

09.6752

2002

Tadam ippreparat jew ippreservat mod ieħor milli bil-ħall jew bl-aċtu aċetiku

 

5 000

Emenda

imħassar

Emenda 19

Proposta għal regolament

Anness II – tabella – ringiela 2

Test propost mill-Kummissjoni

Qamħ komuni, spelt u taħlita ta’ ċereali, dqiq, xgħir u barli mitħun oħxon, dqiq oħxon u griebeb

1001 99 00 , 1101 00 15 , 1101 00 90 , 1102 90 90 , 1103 11 90 , 1103 20 60

100 000 tunnellata/sena

Emenda

imħassar

Emenda 20

Proposta għal regolament

Anness II – tabella – ringiela 3

Test propost mill-Kummissjoni

Qamħirrun, minbarra dak taż-żrigħ , dqiq, xgħir u barli mitħun oħxon, dqiq mitħun oxħon, griebeb u ħbub

1005 90 00 , 1102 20 , 1103 13 , 1103 20 40 , 1104 23

650 000 tunnellata/sena

Emenda

Qamħirrun, minbarra żerriegħa , dqiq, ċereali mitħunin b'mod oħxon, dqiq mitħun oxħon, griebeb u ħbub

1005 90 00 , 1102 20 , 1103 13 , 1103 20 40 , 1104 23

650 000 050 kilogramma/sena

Emenda 21

Proposta għal regolament

Anness III – tabella – ringiela 3

Test propost mill-Kummissjoni

3102 10 10

Urea, f’soluzzjoni tal-ilma jew le li fiha iżjed minn 45 % tal-piż tal-prodott xott anidriku nitroġenu (minbarra dik f’forma ta’ griebeb jew forom simili, jew f’pakketti ta’ toqol gross ta’ mhux iżjed minn 10 kg)

3 %

Emenda

imħassar


(1)  Il-każ ġie mgħoddi lura għal negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 59(4), ir-raba’subparagrafu (A8-0193/2017).


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/220


P8_TA(2017)0237

Format uniformi għall-viża ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta' Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (COM(2015)0303 – C8-0164/2015 – 2015/0134(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 307/43)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0303),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0164/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-senstal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-3 ta' Mejju 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0028/2016),

1.

Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

P8_TC1-COD(2015)0134

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-1 ta’ Ġunju 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, r-Regolament (UE) 2017/1370.)


30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 307/221


P8_TA(2017)0238

Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022 ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar abbozz għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022 (14423/2016 – C8-0528/2016 – 2016/0204(APP))

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – approvazzjoni)

(2018/C 307/44)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14423/2016),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0528/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0177/2017),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.