ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 291

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
17 ta' Awwissu 2018


Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

IL-QORTI TAL-AWDITURI

2018/C 291/01

Opinjoni Nru 1/2018 (skont l-Artikolu 322(1)(a), TFUE) dwar il-proposta tat-2 ta’ Mejju 2018 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri

1


MT

 


III Atti preparatorji

IL-QORTI TAL-AWDITURI

17.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/1


OPINJONI Nru 1/2018

(skont l-Artikolu 322(1)(a), TFUE)

dwar il-proposta tat-2 ta’ Mejju 2018 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri

(2018/C 291/01)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI…

1 – 8

2

Sfond…

1 – 4

2

Il-Proposta tal-Kummissjoni…

5 – 8

3

KUMMENTI ĠENERALI…

9 – 18

3

Għan kumplessiv għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni…

9 – 11

3

Mekkaniżmu ġdid li jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali konsiderevoli…

12 – 16

4

L-ebda konsultazzjoni speċifika mal-partijiet ikkonċernati…

17

4

L-ebda valutazzjoni tal-impatt…

18

4

KUMMENTI SPEĊIFIĊI…

19 – 30

5

Is-sorsi ta’ gwida u l-kriterji mhumiex speċifikati b’mod ċar…

19 – 23

5

L-ebda data ta’ skadenza għall-Kummissjoni…

24

6

L-ebda obbligu ċar għall-Kummissjoni biex tivvaluta l-possibbiltà li jitneħħew il-miżuri fuq l-inizjattiva proprja tagħha…

25

6

L-ebda rekwiżit għall-Kummissjoni biex tivvaluta l-impatt potenzjali fuq il-benefiċjarji finali u l-baġit nazzjonali…

26 – 29

6

Il-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mhijiex applikabbli għall-Istati Membri kollha…

30

7

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 322(1)(a) tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri (“il-Proposta”) (1),

Wara li kkunsidrat it-talba tal-Kummissjoni għal opinjoni dwar il-Proposta tat-3 ta’ Mejju 2018 imsemmija hawn fuq, riċevuta mill-Qorti fl-14 ta’ Mejju 2018,

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

INTRODUZZJONI

Sfond

1.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-2014 intitolata “Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt” (2) stabbiliet qafas ġdid biex tiżgura protezzjoni effettiva u koerenti tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha. Dan il-qafas ipprovda struttura li fi ħdanha tiġi indirizzata u riżolta theddida sistemika għall-istat tad-dritt, filwaqt li jfittex li jevita theddidiet futuri għall-istat tad-dritt fl-Istati Membri qabel jintlaħqu l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-mekkaniżmi deskritti fl-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Il-qafas kien maħsub li jkun komplementari għall-mekkaniżmi deskritti fl-Artikolu 7 TUE u ma jippreġudikax l-użu tal-proċeduri ta’ ksur previsti fl-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

2.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-2018 intitolata “Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b’mod effiċjenti wara l-2020” (3) tispjega li “l-Unjoni hija komunità tad-dritt u l-valuri tagħha huma l-bażi ewlenija tal-eżistenza tagħha. Dawn jinfiltraw fl-istruttura ġuridika u istituzzjonali kollha tagħha u l-politiki u l-programmi kollha tagħha. Għaldaqstant, ir-rispett għal dawn il-valuri jrid jiġi żgurat fil-politiki kollha tal-Unjoni. Dan jinkludi l-baġit tal-UE, fejn ir-rispett għall-valuri fundamentali huwa prekundizzjoni essenzjali għal ġestjoni finanzjarja soda u finanzjament effettiv tal-UE. Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa importanti għaċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll għall-inizjattivi tan-negozju, għall-innovazzjoni u għall-investiment. L-ekonomija Ewropea tiffjorixxi l-aktar meta l-qafas ġuridiku u istituzzjonali jaderixxi bis-sħiħ mal-valuri komuni tal-Unjoni.”

3.

Fl-14 ta’ Marzu 2018, il-Parlament Ewropew stieden “lill-Kummissjoni biex tipproponi mekkaniżmu li permezz tiegħu, l-Istati Membri li ma jirrispettawx il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 TUE, jistgħu jkunu suġġetti għal konsegwenzi finanzjarji”, u jwissi, madankollu, “li l-benefiċjarji finali tal-baġit tal-Unjoni ma jistgħu bl-ebda mod jiġu affettwati minn ksur ta’ regoli li ma jkunux responsabbli għalih”. Huwa ddikjara li kien “konvint, għalhekk, li l-baġit tal-Unjoni [ma kienx] l-istrument ġust biex jiġi indirizzat in-nuqqas li wieħed jirrispetta l-Artikolu 2 TUE, u li kwalunkwe konsegwenza finanzjarja (possibbli) għandha taqa’ fuq l-Istat Membru b’mod indipendenti mill-implimentazzjoni tal-baġit” (4).

4.

Skont il-Kummissjoni, “bħalissa ma hemm l-ebda mekkaniżmu fis-seħħ biex jipproteġi l-flus tal-kontribwenti tat-taxxa tal-UE f’każ ta’ nuqqasijiet fir-rigward tal-istat tad-dritt fi Stat Membru” (5). Ir-regoli attwali jobbligaw lill-Istati Membri biex juru li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll u l-proċeduri tagħhom għall-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE qed jipproteġu biżżejjed l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (6), u jekk huma jonqsu milli jagħmlu dan, il-Kummissjoni tieħu azzjoni korrettiva (pereżempju, tissospendi l-pagamenti jew tapplika korrezzjonijiet finanzjarji). Jekk il-Kummissjoni tidentifika każijiet ta’ ksur tad-dritt tal-UE, hija tista’ tniedi proċedura ta’ ksur kontra Stat Membru, abbażi tal-Artikolu 258 TFUE. Barra minn hekk, jekk Stat Membru ma jirrispettax il-valuri fundamentali msemmija fl-Artikolu 2 TUE, inkluż l-istat tad-dritt, il-Kummissjoni tista’ tiskatta l-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 7 TUE, li, fl-aħħar mill-aħħar, jista’ jirriżulta fis-sospensjoni ta’ ċerti drittijiet (inklużi d-drittijiet tal-vot fil-Kunsill; ara l-paragrafu 15).

Il-Proposta tal-Kummissjoni

5.

Fid-dawl tal-għan kumplessiv tal-Proposta li jingħata kontribut għall-implimentazzjoni xierqa tal-baġit tal-UE, il-Kummissjoni għażlet l-Artikolu 322(1)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE), li huwa l-istess bażi ġuridika tar-Regolament Finanzjarju. Il-Proposta hija regolament awtonomu fi ħdan il-pakkett regolatorju għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027.

6.

B’mod aktar speċifiku, il-Proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tistabbilixxi “r-regoli meħtieġa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri”, li jaffettwaw jew għandhom ir-riskju li jaffettwaw il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għalhekk, hija tagħti lill-Kummissjoni d-dritt li tibda l-proċedura qabel ma dawn ir-riskji jiġu materjalizzati. Billi żżid il-protezzjoni kontra prattiki jew ommissjonijiet possibbli min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, li jmorru kontra l-istat tad-dritt, il-Proposta hija maħsuba li jkollha impatt pożittiv fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE.

7.

Il-Proposta tipprevedi li l-Kummissjoni, wara li tkun ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet riċevuti mill-Istat Membru kkonċernat, tippreżenta proposta lill-Kunsill għal att ta’ implimentazzjoni dwar miżuri xierqa (skont in-natura, il-gravità u l-ambitu tan-nuqqas ġeneralizzat fir-rigward tal-istat tad-dritt). Din il-proposta għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill, sakemm dan ma jiddeċidix, b’maġġoranza kwalifikata, li jiċħad jew li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni fi żmien xahar. Il-miżuri xierqa jistgħu jkunu f’forma ta’ sospensjoni, tnaqqis jew restrizzjoni tal-aċċess ta’ Stat Membru għall-finanzjament mill-UE, sew jekk kompletament jew parzjalment.

8.

Il-Proposta tobbliga lill-Kummissjoni biex tivvaluta s-sitwazzjoni fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun ippreżenta evidenza li turi li n-nuqqasijiet ġeneralizzati stabbiliti ġew rimedjati jew ġew kompletament jew parzjalment eliminati, u, jekk il-valutazzjoni tkun pożittiva, tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li tneħħi dawk il-miżuri kompletament jew parzjalment. Mingħajr din id-deċiżjoni sas-sena n+2, l-Istat Membru kkonċernat jitlef għalkollox l-impenji sospiżi tas-sena n.

KUMMENTI ĠENERALI

Għan kumplessiv għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni

9.

Aħna nilqgħu l-għan tal-inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt (ara l-Kaxxa 1) fi Stat Membru, li jaffettwaw jew għandhom ir-riskju li jaffettwaw il-ġestjoni finanzjarja tajba jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Kaxxa 1 - Stat tad-Dritt fl-Unjoni

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll dokumenti mħejjija mill-Kunsill tal-Ewropa, li jibnu b’mod partikolari fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni ta’ Venezja, jipprovdu gwida dwar it-tifsira ewlenija tal-istat tad-dritt bħala valur komuni tal-UE, f’konformità mal-Artikolu 2 TUE.

Dawn il-prinċipji stabbiliti jinkludu: il-legalità, li tfisser proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralista għall-promulgazzjoni tal-liġijiet; ċertezza tad-dritt, projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; qrati indipendenti u imparzjali, stħarriġ ġudizzjarju u effettiv li jinkludi r-rispett għad-drittijiet fundamentali; u ugwaljanza quddiem il-liġi.

10.

Aħna nosservaw li l-Kummissjoni tibbaża l-mekkaniżmu propost fuq il-ħtieġa li jiġi rispettat l-istat tad-dritt bħala prekundizzjoni għall-iżgurar tal-konformità mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-UE. Aħna naqblu mal-fehma tal-Kummissjoni li deċiżjonijiet illegali u arbitrarji li jittieħdu mill-awtoritajiet pubbliċi li huma responsabbli għall-ġestjoni tal-fondi u għal stħarriġ ġudizzjarju jistgħu jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

11.

Bħala l-istituzzjoni suprema tal-awditjar tal-Unjoni, aħna nirrikonoxxu li l-fiduċja taċ-ċittadini kollha tal-UE u tal-awtoritajiet nazzjonali fil-funzjonament tal-istat tad-dritt hija partikolarment essenzjali għall-iżvilupp (ulterjuri) fl-UE bħala “spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni” (7). Aħna nirrikonoxxu wkoll li l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura huma essenzjali għall-iżgurar tal-ġestjoni finanzjarja tajba u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-infurzar ġudizzjarju ta’ talbiet legali, il-ġlieda kontra l-frodi u interessi leġittimi oħra tal-UE.

Mekkaniżmu ġdid li jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali konsiderevoli

12.

Aħna nosservaw li, f’termini tal-objettiv, l-ambitu u l-firxa ta’ miżuri li jistgħu jittieħdu, il-mekkaniżmu propost huwa aktar speċifiku mill-mekkaniżmi previsti fl-Artikolu 7 TUE, u jista’ jiġi applikat b’mod aktar rapidu. Meta mqabbel mar-regoli attwali, l-abbozz ta’ regolament jassenja lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali akbar fil-proċess biex tiġġieled kontra kwalunkwe ksur ta’ wieħed mill-valuri fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE.

13.

Il-Kummissjoni tibda l-proċedura jekk issib li jkollha “motivi raġonevoli” biex temmen li l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 3 tal-Proposta jkunu ġew issodisfati. Għal din ir-raġuni, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha rilevanti msemmija fil-Premessa 12 tal-Proposta, inklużi d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, ir-rapporti li jinħarġu mill-Qorti tal-Awdituri u l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jsiru minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti (ara l-paragrafu 19). Il-kriterji għat-tnedija tal-proċedura u għall-valutazzjoni kwalitattiva, madankollu, mhumiex iddefiniti b’mod ċar (ara l-paragrafi 20-23).

14.

B’reazzjoni għas-sejba tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat huwa mistenni li jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa u jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni. Il-Kummissjoni tiddeċiedi liema miżura tkun xierqa f’kull każ individwali. Il-Proposta tiddikjara li l-Kummissjoni tagħmel dan f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u tevalwa kull każ fuq il-merti tagħha stess (is-serjetà, iż-żmien, id-durata, ir-rikorrenza, l-intenzjoni tal-imġiba msemmija u l-livell ta’ kooperazzjoni kif ukoll l-effetti li dak in-nuqqas ikollu fuq il-fondi rispettivi tal-UE). Il-kriterji għall-għażla u l-firxa tal-miżuri wkoll mhumiex iddefiniti b’mod ċar (ara l-paragrafu 20).

15.

L-Artikolu 7 TUE jirrikjedi maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħames membri tal-Kunsill biex jiġi stabbilit riskju ċar ta’ ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2. Barra minn hekk, huwa jirrikjedi l-unanimità tal-Kunsill Ewropew - abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, u wara li jinkiseb il-kunsens mill-Parlament Ewropew - biex jiġi ddeterminat li hemm ksur serju u persistenti, min-naħa ta’ Stat Membru, tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2. Wara li dan ikun ġie ddeterminat, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jissospendi ċerti drittijiet ta’ sħubija tal-Istat Membru kkonċernat, inklużi d-drittijiet tal-vot fil-Kunsill. F’dan il-mekkaniżmu propost, madankollu, il-proposta tal-Kummissjoni titqies aċċettata dment li ma tiġix rifjutata jew modifikata mill-Kunsill. L-imblukkar tal-proposta tal-Kummissjoni tkun tirrikjedi maġġoranza kwalifikata tal-Kunsill fi żmien xahar (“votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata inversa”). Il-Parlament Ewropew jiġi infurmat biss dwar kwalunkwe miżura proposta jew adottata.

16.

In-nuqqas ta’ kriterji għad-deċiżjonijiet importanti li jridu jittieħdu fid-diversi stadji tal-implimentazzjoni tar-regolament propost u l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni fil-qafas tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata inversa mill-Kunsill jikkontribwixxi għas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni fil-Proposta.

L-ebda konsultazzjoni speċifika mal-partijiet ikkonċernati

17.

L-Artikolu 11 (3) TUE jirrikjedi li l-Kummissjoni “sabiex tassigura li l-azzjonijiet tal-Unjoni jkunu koerenti u trasparenti, […] tagħmel konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati”. B’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, anness għat-Trattat, jistipula li “qabel ma tipproponi att leġislattiv, il-Kummissjoni għandha tagħmel konsultazzjonijiet wiesgħa”. Filwaqt li aħna nosservaw li s-suġġett ġie diskuss b’mod wiesa’, inkluż fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill, aħna nqisu li kien ikun essenzjali għall-Kummissjoni li twettaq konsultazzjoni speċifika mal-partijiet ikkonċernati qabel tippubblika l-Proposta.

L-ebda valutazzjoni tal-impatt

18.

Skont il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Kummissjoni hija mistennija li twettaq valutazzjonijiet tal-impatt kemm tal-inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tagħha, kif ukoll tal-atti delegati u tal-miżuri ta’ implimentazzjoni kollha tagħha, li huma mistennija li jkollhom impatt ekonomiku, ambjentali jew soċjali sinifikanti. Minkejja l-impatt potenzjali fuq il-benefiċjarji finali (ara l-paragrafu 26) u l-fatt li l-partijiet tal-baġit tal-Unjoni x’aktarx li jiġu esklużi mill-mekkaniżmu (ara l-paragrafu 28), aħna nosservaw li ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Il-Kummissjoni tqis li r-regoli adottati taħt l-Artikolu 322 TFUE jipprovdu l-qafas ġenerali għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ nfiq, u dan jimplika li ma hemmx impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali diretti li jistgħu jiġu analizzati b’mod utli. Madankollu, aħna tal-fehma li t-twettiq ta’ valutazzjoni tal-impatt qabel il-pubblikazzjoni tal-Proposta kien jippermetti lill-korpi leġiżlattivi biex jieħdu deċiżjonijiet li jkunu infurmati aħjar.

KUMMENTI SPEĊIFIĊI

Is-sorsi ta’ gwida u l-kriterji mhumiex speċifikati b’mod ċar

19.

Il-Proposta ma tispeċifikax b’mod ċar liema huma s-sorsi ta’ gwida disponibbli li l-Kummissjoni għandha tuża biex twettaq il-valutazzjoni kwalitattiva tagħha sabiex tidentifika nuqqas ġeneralizzat fir-rigward tal-istat tad-dritt, li jqiegħed f’riskju l-ġestjoni finanzjarja tajba. Hija tiddikjara biss li l-Kummissjoni tista’ tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq informazzjoni li tkun ġejja mis-sorsi kollha disponibbli. Fil-fehma tagħna, speċifikazzjoni aktar ċara tista’ ttejjeb it-trasparenza, it-traċċabbiltà u l-possibbiltà tal-awditjar tal-mekkaniżmu propost, kif ukoll iċ-ċertezza legali u n-nuqqas ta’ arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi proposti li għandhom jingħataw lill-Kummissjoni. Il-Kaxxa 2 turi xi sorsi ta’ gwida possibbli.

Box 2 - Eżempji ta’ sorsi ta’ gwida possibbli

Il-Kummissjoni tista’ ssib sorsi ta’ gwida mill-Kapitolu 23 (Ġudikatura u d-drittijiet fundamentali) u mill-Kapitolu 24 (Ġustizzja, libertà u sigurtà) li huma applikabbli għan-negozjati tal-adeżjoni mal-UE, kif ukoll mill-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (MKV) għall-Bulgarija u r-Rumanija, li ntuża biex jiġu indirizzati nuqqasijiet fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja, il-korrizzjoni jew il-kriminalità organizzata. Eżempji oħra ta’ sorsi ta’ gwida rilevanti possibbli huma l-Lista ta’ Kriterji tal-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni ta’ Venezja, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2010)12 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Imħallfin: l-indipendenza, l-effiċjenza u r-responsabiltajiet, ir-Rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar l-Indipendenza tas-Sistema Ġudizzjarja, il-Parti I: l-Indipendenza tal-Imħallfin (CDL-AD(2010)004), u r-Rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja, il-Parti II: is-Servizz tal-Prosekuzzjoni (CDL-AD(2010)040).

20.

L-Artikolu 4(3) tal-Proposta jipprevedi li jenħtieġ li l-miżuri meħuda jkunu proporzjonati man-natura, mal-gravità u mal-ambitu tan-nuqqas ġeneralizzat. Jenħtieġ li l-proporzjonalità tiġi żgurata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni s-serjetà tas-sitwazzjoni, id-durata u r-rikorrenza tagħha, l-intenzjoni u l-livell ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru, kif ukoll l-effetti li n-nuqqas ġeneralizzat ikollu fuq il-fondi rispettivi tal-UE.

21.

Jenħtieġ ukoll li dawn il-miżuri “sa fejn huwa possibbli, jimmiraw lejn l-azzjonijiet tal-Unjoni affettwati jew potenzjalment affettwati minn dak in-nuqqas”. Madankollu, ma hemmx kriterji preċiżi stabbiliti għad-deċiżjonijiet importanti li jridu jittieħdu fid-diversi stadji, bħall-inizjazzjoni tal-proċedura jew id-determinazzjoni tal-għażla u l-firxa tal-miżuri, u b’hekk dan ma jiżgurax li d-dispożizzjonijiet jiġu applikati b’mod konsistenti.

22.

Skont il-Kummissjoni, deskrizzjoni f’aktar dettall tal-kriterji mhijiex meħtieġa u tkun kontroproduttiva, billi n-nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt jeħtieġ li jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’ valutazzjoni kwalitattiva, li ma tippermettix li jintużaw kriterji kwantitattivi. Kwalunkwe approċċ kwantitattiv idgħajjef il-mekkaniżmu b’mod sostanzjali minħabba r-riskju li mhux il-każijiet kollha possibbli huma koperti. Barra dan, hija ssostni li l-oneru tal-provi għall-valutazzjoni kwalitattiva tagħha, li hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, jaqa’ fuq il-Kummissjoni u l-Kunsill.

23.

Fil-kuntest tal-awditi tagħna tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u tal-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku (8), aħna osservajna li kien hemm kriterji ċari, li ppermettewlna nikkonkludu li kien hemm dgħufijiet fl-applikazzjoni konsistenti u trasparenti taż-żewġ proċeduri. F’dan il-kuntest, aħna nqisu li jeħtieġ li jiġu żviluppati kriterji li jippermettu apprezzament kritiku tal-konsistenza fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet bil-ħsieb li jiġi żgurat trattament indaqs tal-Istati Membri f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt, li jqiegħdu f’riskju l-ġestjoni finanzjarja tajba.

Rakkomandazzjoni 1

Aħna nirrakomandaw li l-korpi leġiżlattivi jistabbilixxu kriterji ċari u speċifiċi biex jiġi ddefinit x’jikkostitwixxi nuqqas ġeneralizzat fir-rigward tal-istat tad-dritt, li jqiegħed f’riskju l-ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll biex tiġi ddeterminata l-firxa tal-miżuri, fir-regolament propost jew fir-regoli ta’ implimentazzjoni possibbli. Meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-kriterji, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sorsi ta’ gwida, li l-Kummissjoni użat fil-kuntest tan-negozjati tal-adeżjoni mal-UE, kif ukoll fil-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika biex tittraċċa l-progress ta’ Stat Membru.

L-ebda data ta’ skadenza għall-Kummissjoni

24.

Minkejja l-fatt li ma jistabbilixxi l-ebda data ta’ skadenza għall-Kummissjoni, l-abbozz ta’ regolament jistabbilixxi dati ta’ skadenza stretti sa meta l-Istat Membru kkonċernat irid iwieġeb għan-notifika tal-Kummissjoni (fi ħdan limitu ta’ żmien ta’ mhux inqas minn xahar), u sa meta l-Kunsill irid jirrifjuta deċiżjoni proposta b’maġġoranza kwalifikata (fi żmien xahar). Aħna nosservaw li t-Trattat ma jippreskrivix dati ta’ skadenza għall-mekkaniżmu tal-Artikolu 7 TUE jew il-proċedura ta’ ksur imsemmija fl-Artikolu 258 TFUE. Il-Kummissjoni infurmatna li fi kwalunkwe każ hija għandha l-obbligu li taġixxi fi ħdan perjodu ta’ żmien raġonevoli (9).

Rakkomandazzjoni 2

Aħna nirrakkomandaw li l-korpi leġiżlattivi jispeċifikaw il-bażi għall-istabbiliment tal-limiti ta’ żmien sa meta l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa, kif ukoll jintroduċu dati ta’ skadenza simili għall-Kummissjoni, fejn ikun xieraq, pereżempju fir-rigward l-eliminazzjoni tal-miżuri f’każ li n-nuqqasijiet ġeneralizzati ta’ bażi ma jkunux għadhom jeżistu.

L-ebda obbligu ċar għall-Kummissjoni biex tivvaluta l-possibbiltà li jitneħħew il-miżuri fuq l-inizjattiva proprja tagħha

25.

Skont l-Artikolu 6 (2) tal-Proposta, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li twettaq valutazzjoni fir-rigward tat-tneħħija tal-miżuri wara li tkun saret talba mill-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, aħna nosservaw li l-Proposta ma fihiex dispożizzjoni li tirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni fin-nuqqas ta’ talba bħal din fuq l-inizjattiva proprja tagħha, jekk ikun hemm motivi li jiġġustifikawha. Il-Kummissjoni infurmatna li hija xorta twettaq din il-valutazzjoni.

L-ebda rekwiżit għall-Kummissjoni biex tivvaluta l-impatt potenzjali fuq il-benefiċjarji finali u l-baġit nazzjonali

26.

Miżuri xierqa jistgħu jiġu adottati taħt il-modi ta’ ġestjoni diretta, indiretta jew kondiviża, li l-konsegwenzi tagħhom, skont il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Proposta, għandhom “jaqgħu fuq dawk responsabbli għan-nuqqasijiet identifikati”. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fid-Deċiżjoni tal-Kunsill, l-impożizzjoni tal-miżuri ma għandhiex taffettwa l-obbligu tal-entitajiet governattivi jew tal-Istati Membri li jimplimentaw il-programm jew il-fond affettwati mill-miżura u l-obbligu li jagħmlu l-pagamenti lill-benefiċjarji finali (10). Aħna nosservaw li l-Proposta ma fihiex dispożizzjoni dwar kif dan jista’ jiġi żgurat. Fil-prattika, dan ikun jirrikjedi li l-Istat Membru kkonċernat jieħu l-inizjattiva u jħallas, jew inkella jiżgura l-finanzjament tal-proġetti jew tal-programmi.

27.

F’dan il-kuntest, aħna nosservaw li l-pagamenti tal-fondi nazzjonali u tal-UE jistgħu jkunu kundizzjonali fuq id-disponibbiltà tal-finanzjament baġitarju, kif ġie żvelat matul l-awditi tagħna (11). Il-Kummissjoni infurmatna li hija pproponiet regoli (12) għall-QFP li jmiss li jimponu sensiela ta’ obbligi fuq l-awtoritajiet nazzjonali biex jiżguraw li l-pagamenti dovuti lill-benefiċjarji jsiru bis-sħiħ u fil-ħin. Aħna nosservaw, madankollu, li r-Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni li ġie propost ukoll fih klawsola, li tipprevedi l-obbligu li l-awtorità nazzjonali għandha tiżgura li l-benefiċjarju jirċievi l-pagament, suġġett għad-disponibbiltà ta’ finanzjament (13).

28.

L-għan tal-abbozz ta’ regolament huwa li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni fl-intier tiegħu. Filwaqt li jagħmel dan, huwa madankollu jfittex li jiżgura li kwalunkwe riperkussjoni tal-miżuri meħuda taqa’ fuq l-entitajiet governattivi responsabbli għan-nuqqasijiet ġeneralizzati identifikati, u mhux fuq il-benefiċjarji finali nongovernattivi (14) (bħal studenti tal-Erasmus, riċerkaturi jew organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) jew Stati Membri oħra (eż. permezz ta’ Programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea). Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-Proposta tipprevedi li għal ġestjoni diretta u indiretta, il-miżuri jistgħu jiġu applikati biss jekk il-benefiċjarju jkun entità governattiva. Konsegwentement, jekk il-benefiċjarju jkun entità nongovernattiva, il-finanzjament mill-UE li jmur għal din l-entità jiġi eskluż mill-miżuri li l-Kummissjoni tipproponi. Mingħajr valutazzjoni tal-impatt li setgħet tikkjarifika l-ammont mill-baġit tal-Unjoni li neċessarjament għandu jiġi eskluż mill-protezzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu propost, huwa diffiċli li jiġi stabbilit l-ammont potenzjali tiegħu.

Rakkomandazzjoni 3

Aħna nirrakkomandaw li l-korpi leġiżlattivi jitolbu lill-Kummissjoni biex tivvaluta fid-dettall fil-proposta tagħha lill-Kunsill kif se jiġu salvagwardjati l-interessi leġittimi tal-benefiċjarji finali. Għall-miżuri kollha taħt l-Artikolu 4(1) tal-Proposta (bħat-tnaqqis tal-impenji jew is-sospensjoni tal-impenji jew tal-pagamenti), jenħtieġ li jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-benefiċjarji finali.

29.

F’każijiet fejn jintużaw fondi nazzjonali biex jissostitwixxu l-fondi tal-UE li ġew sospiżi jew li tnaqqsu, dawn il-fondi jkollhom jiġu mill-baġit nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Dan jirriżulta f’implikazzjonijiet baġitarji għall-Istat Membru (15), b’mod partikolari f’każ ta’ sospensjonijiet jew ta’ tnaqqis fuq skala kbira.

Rakkomandazzjoni 4

Aħna nirrakkomandaw li l-korpi leġiżlattivi jitolbu lill-Kummissjoni, qabel ma din tiddeċiedi dwar liema miżuri xierqa għandha tipproponi, biex tivvaluta l-implikazzjonijiet baġitarji possibbli ta’ tnaqqis fil-finanzjament mill-UE għall-baġit nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat b’kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipji tal-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni.

Il-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mhijiex applikabbli għall-Istati Membri kollha

30.

Nuqqas ġeneralizzat fir-rigward tal-istat tad-dritt fi Stat Membru jista’ jkun relatat mal-kooperazzjoni effettiva u f’waqtha mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Aħna niġbdu l-attenzjoni għall-fatt li mhux l-Istati Membri kollha jipparteċipaw fil-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, u dan jagħmel id-dispożizzjonijiet relatati mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, wara l-istabbiliment tiegħu, applikabbli biss għall-Istati Membri parteċipanti.

Rakkomandazzjoni 5

Aħna nirrakkomandaw li l-korpi leġiżlattivi jikkjarifikaw li d-dispożizzjonijiet relatati mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jistgħu, wara l-istabbiliment tiegħu, ikunu applikabbli biss għall-Istati Membri parteċipanti.

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-12 ta’ Lulju 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  COM(2018) 324 final tat-2 ta’ Mejju 2018.

(2)  COM(2014) 158 final tal-11 ta’ Marzu 2014.

(3)  COM(2018) 98 final tal-14 ta’ Frar 2018.

(4)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2018 dwar il-QFP li jmiss: Tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020 (2017/2052(INI)).

(5)  Ara l-fuljett tal-Kummissjoni intitolat “Baġit tal-UE għall-futur – ġestjoni finanzjarja tajba u l-istat tad-dritt”, https://publications.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/20d5496b-526a-11e8-be1d-01aa75ed71a1/language-mt

(6)  Skont l-Artikolu 59 (2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Regolament Finanzjarju) (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1), “meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha, inklużi dawk leġislattivi, regolatorji u amministrattivi, biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, ..[..].”

(7)  L-Artikoli 3(2) TUE u 67 TFUE; COM(2014) 158 final tal-11 ta’ Marzu 2014.

(8)  Ir-Rapport Speċjali Nru 10/2016 “Jeħtieġ li jsir aktar titjib biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv” u r-Rapport Speċjali Nru 3/2018 “Awditu tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku (MIP)”.

(9)  Ara l-Każijiet Magħquda C-74/00 P u C-75/00 P Falck u Acciaierie di Bolzano vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, EU:C:2002:524, par. 139-141 http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?text=&docid=47692&pageIndex=0&doclang=EN&mode=lst&dir=&occ=first&part=1&cid=263967

(10)  Dan jirrifletti l-punt 119 tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2018, “Il-QFP li jmiss: Tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020”, li jsemmi li “l-benefiċjarji finali tal-baġit tal-Unjoni ma jistgħu bl-ebda mod jiġu affettwati minn ksur ta’ regoli li ma jkunux responsabbli għalih”.

(11)  Matul l-awditi tagħna fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża, aħna sibna kuntratti li ġew konklużi bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-benefiċjarji finali, u li kien fihom klawsoli kundizzjonali li jorbtu l-pagamenti mad-disponibbiltà tal-finanzjament baġitarju.

(12)  Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li tħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (COM(2018)393 final) u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi (COM(2018)375 final).

(13)  Ara l-Artikolu 68 (1) b) tal-proposta għar-Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni.

(14)  Skont ir-regolament li fuq il-bażi tiegħu jingħata l-finanzjament mill-UE, il-benefiċjarji finali jissejħu wkoll riċevituri finali.

(15)  Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2018, il-Parlament Ewropew iddikjara li “l-baġit tal-Unjoni mhuwiex l-istrument ġust biex jiġi indirizzat in-nuqqas li wieħed jirrispetta l-Artikolu 2 TUE, u li kwalunkwe konsegwenza finanzjarja għandha taqa’ fuq l-Istat Membru b’mod indipendenti mill-implimentazzjoni tal-baġit”.