ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 176

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
23 ta' Mejju 2018


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Regjuni

 

Il-127 sessjoni plenarja tal-KtR, 31.1.2018–1.2.2018

2018/C 176/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Istħarriġ Annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tkabbir tal-2018

1

2018/C 176/02

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar it-tibdil tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej biex jiġu appoġġjati r-riformi strutturali

5

2018/C 176/03

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta’ riskju ċar ta’ ksur gravi tal-istat tad-dritt mill-Polonja

8

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Regjuni

 

Il-127 sessjoni plenarja tal-KtR, 31.1.2018–1.2.2018

2018/C 176/04

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Il-futur tal-programm COSME wara l-2020: il-perspettiva reġjonali u lokali

10

2018/C 176/05

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn implimentazzjoni komprensiva tal-Istrateġija Ewropea mġedda għar-reġjuni ultraperiferiċi

15

2018/C 176/06

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Erasmus għar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti

21

2018/C 176/07

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-promozzjoni ta’ koeżistenza ma’ speċijiet f’kunflitt fi ħdan il-qafas tad-Direttivi tal-UE dwar in-Natura

25

2018/C 176/08

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Suq Uniku Diġitali: Rieżami ta’ nofs it-terminu

29

2018/C 176/09

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE

34

2018/C 176/10

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-investimenti territorjali integrati – sfida għall-politika ta’ koeżjoni tal-UE wara l-2020

40


 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

 

Il-127 sessjoni plenarja tal-KtR, 31.1.2018–1.2.2018

2018/C 176/11

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Inizjattiva għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu fil-Punent tal-Mediterran

46

2018/C 176/12

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Semplifikazzjoni għal wara l-2020

51

2018/C 176/13

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Ewropa attiva: aspetti tax-xogħol fit-trasport bit-triq

57

2018/C 176/14

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Ewropa attiva: il-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ mobilità bla xkiel

66


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat tar-Regjuni

Il-127 sessjoni plenarja tal-KtR, 31.1.2018–1.2.2018

23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Istħarriġ Annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tkabbir tal-2018

(2018/C 176/01)

Imressaq mill-gruppi politiċi tal-PPE, il-PSE, l-ALDE, l-AE u l-KRE

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2018 (SAT) (1) u l-bidu tas-Semestru Ewropew tal-2018;

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Ottubru 2017 dwar is-Semestru Ewropew tal-2017 u fid-dawl tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018;

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Ottubru 2017 dwar il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro (2);

1.

iqis li minkejja l-irkupru makroekonomiku relattiv tal-ekonomija tal-UE, għad ma hemm l-ebda lok għal kompjaċenza, minħabba li r-rati tal-qgħad għadhom għoljin wisq f’ħafna reġjuni tal-Ewropa, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u diversi snin kumulattivi ta’ nuqqas ta’ investiment huma ta’ piż kbir fuq il-kompetittività u l-koeżjoni tal-UE;

2.

jikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni li n-nuqqas tal-UE għall-kompetittività u l-koeżjoni u l-vulnerabbiltà bankarja jappellaw sabiex jiġu indirizzati d-defiċjenzi strutturali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) qabel ma tinqala’ xi kriżi oħra kif spjegat fl-Opinjoni tal-KtR dwar l-Approfondiment tal-UEM tal-Ewropa sal-2025 (3);

3.

jilqa’ l-importanza mogħtija lill-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali fis-SAT;

4.

jappoġġja l enfasi qawwija tas-SAT fuq it-tkabbir fit-tul u għalhekk jiddispjaċih li l-Istħarriġ ma jallinjax il-linji gwida fuq perjodu qasir mal-għanijiet fit-tul tal-UE ta’ tkabbir sostenibbli u impjiegi. Ir-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Pajjiż għandhom iqisu aħjar l-għanijiet tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli;

5.

jiddispjaċih li s-SAT ma jirreferix għar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-investiment; ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għal iktar minn nofs l-investiment pubbliku fl-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli eżistenti li jxekklu l-investiment privat u pubbliku fil-livell lokali u reġjonali; jiddispjaċih li s-SAT tal-2018 ma jkomplix janalizza l-ostakli għall-investiment wara l-ewwel stimolu tas-SAT tal-2016;

6.

huwa konvint li, sabiex jagħmel is-Semestru Ewropew aktar effettiv u jżid is-sjieda fil-post, l-involviment strutturat tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala msieħba fis-Semestru Ewropew fid-dawl tat-tqassim attwali tas-setgħat u l-kompetenzi fost il-livelli kollha tal-gvern fl-Istati Membri tal-UE huwa kondizzjoni sine qua non. Il-KtR itenni l-appell tiegħu biex tiġi stabbilita kodiċi ta’ kondotta sabiex jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew (4) u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu sehem attiv fil-promozzjoni ta’ kodiċi bħal din; jirrakkomanda wkoll li s-SAT li jmiss jinkludi kapitolu speċifiku dwar il-qagħda tar-reġjuni u jindirizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u jitlob li l-Istati Membri jagħmlu l-istess fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom;

7.

jirrakkomanda li l-Istati Membri jinvolvu b’mod dirett lill-awtoritajiet tar-reġjuni fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom, kif ukoll fil-proċess tas-Semestru Ewropew, mingħajr ma wieħed jinsa li r-reġjuni ma jistgħux jiġu penalizzati meta ma jintlaħqux l-għanijiet li huma r-responsabbiltà esklużiva tal-Istat;

8.

iqis li r-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Pajjiż għandhom jagħtu pożizzjoni aktar prominenti lill-kwistjonijiet relatati mat-tibdil demografiku peress li dan tal-aħħar qed isir parametru dejjem aktar importanti tal-koeżjoni territorjali u soċjali;

9.

jenfasizza li l-Fondi SIE huma – u għandhom jibqgħu – l-għodda prinċipali tal-UE biex jinkisbu l-għanijiet tat-Trattat ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; l-ipprogrammar meħtieġ fil-programmi operattivi kkonsolida lilu nnifsu bħala għodda indispensabbli sabiex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni ekonomika tar-reġjuni u l-ħtiġijiet tagħhom għal riforma.

10.

jopponi wkoll il-kunċett fejn il-politika ta’ koeżjoni tkun subordinata għall-eżerċizzju tas-“Semestru Ewropew” peress li l-politika ta’ koeżjoni għandha l-leġittimità proprja tagħha imnaqqxa fit-Trattati Ewropej. Barra minn hekk, kieku r-rabta jkollha ssir aktar effettiva permezz tal-inklużjoni tal-politika ta’ koeżjoni fil-programmi ta’ riforma nazzjonali, dawn tal-aħħar għandhom, l-ewwel nett fil-livell Ewropew, jiġu ddisinjati mill-ġdid b’tali mod li jinżammu d-dimensjoni territorjali u l-approċċ deċentralizzat ibbażat fuq sħubija (5);

11.

josserva li, minbarra l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi, jeħtieġ li ssir semplifikazzjoni ġenwina tar-regolamentazzjoni dwar il-FSIE, li taffettwa b’mod negattiv dawn il-kapaċitajiet, u l-livelli tal-effiċjenza u l-effettività tal-istrutturi tar-riżorsi umani għall-ġestjoni ta’ dawn il-Fondi;

12.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-prestazzjoni tal-FEIS s’issa f’termini tal-ammont ta’ investiment attivat; jibqa’ mħasseb madankollu mill-addizzjonalità inċerta u l-kopertura ġeografika żbilanċjata tal-FEIS; jenfasizza li, kif muri minn studju reċenti promoss mill-KtR (6), in-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva, in-nuqqas ta’ finanzjament għall-investiment fit-tul u r-regolamenti ta’ piż għadhom qed ifixklu l-użu tal-FEIS mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

13.

jieħu nota tal-inizjattiva tal-Kummissjoni biex toħloq, bil-kontribut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), inizjattiva speċifika bil-għan li jissaħħaħ l-aċċess tar-reġjuni ultraperiferiċi għall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI), anke permezz ta’ konsulenza pprovduta miċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti;

14.

ifakkar li l-KtR ilu jappoġġja inizjattivi lejn aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ, iżda jinsisti li kull inizjattiva ġdida trid bilfors tkun preċeduta minn valutazzjonijiet tal-impatt li minn kmieni jidentifikaw u jikkwantifikaw impatti assimettriċi possibbli fuq ir-reġjuni Ewropej, sabiex jippermettu reazzjoni rapida tal-politika pubblika. Jitlob ukoll li l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ tal-UE jsiru għodda rapida u effettiva biex jiġu indirizzati prattiki kummerċjali inġusti;

15.

jaqbel li l-ġejjieni tal-industrija Ewropea jiddependi fuq il-kapaċità tagħha li tinvesti fi produzzjoni ta’ kwalità, f’teknoloġiji ġodda u li tindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni u li jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-investiment fit-titjib teknoloġiku tal-SMEs u l-ispeċjalizzazzjoni tal-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Komunikazzjoni tagħha dwar l-istrateġija ta’ politika industrijali bħala bażi sabiex tiġi żviluppata viżjoni aktar ambizzjuża u globali għall-industrija Ewropea, b’perjodu ta’ żmien medju u dimensjoni territorjali b’saħħitha li tqis ir-rwol ċentrali tal-ekosistemi reġjonali fl-immodernizzar industrijali;

16.

jenfasizza li, sabiex ikunu kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà bil-għan li jiġi pprovdut valur miżjud Ewropew f’termini ta’ kompetittività, ir-riformi strutturali indirizzati fis-SAT għandhom jiffukaw fuq oqsma ta’ politika li huma ta’ rilevanza għall-UE f’termini ta’ kompetenzi;

17.

jenfasizza l-importanza li r-reġjuni u l-bliet jiġu appoġġjati biex isaħħu u jorbtu l-ekosistemi intraprenditorjali tagħhom bil-għan li l-SMEs jiġu megħjuna jintegraw aħjar fil-katini ta’ valur transreġjonali, Ewropej u globali; għalhekk jaqbel mal-għan tal-Kummissjoni li tippromovi aċċess u kollaborazzjoni transkonfinali bejn l-SMEs tul il-katina ta’ valur; dan jinħtieġ l-iżjed fir-reġjuni bi żvantaġġi territorjali permanenti li jxekklu l-possibbiltà ta’ konsenji f’livell internazzjonali għall-intrapriżi;

18.

ifakkar fl-importanza ta’ ambjent amministrattiv u regolatorju propizju għan-negozju biex ikun aktar faċli għall-kumpaniji, u b’mod partikolari għall-kumpaniji li qed jespandu (scale-ups), biex ikollhom aċċess għall-finanzi u jiġbru fondi fil-livell transkonfinali u jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq Ewropew tal-kapital ta’ riskju;

19.

jenfasizza li n-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva min-naħa ta’ ħafna awtoritajiet pubbliċi fil-livell lokali u reġjonali huwa ostaklu għall-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u għall-investimenti fit-tul meħtieġa biex jintaqqas id-distakk fl-investiment; itenni li l-Kummissjoni għandha toħroġ dokument strateġiku uniku li jikkoordina l-flussi kollha tal-assistenza teknika ffinanzjata mill-UE għall-bini tal-kapaċità, inkluż il-Programm ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali;

20.

itenni t-talba tiegħu li l-investimenti li jsiru mill-awtoritajiet lokali u reġjonali taħt il-Fondi SIE fil-pajjiżi kollha tal-UE jiġu esklużi mill-kalkolu tad-defiċit u l-limiti massimi tad-dejn stabbiliti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir; jopponi l-kondizzjonalitajiet makroekonomiċi peress li dawn ifissru li r-reġjuni u l-bliet jiġu kkastigati għal għażliet politiċi li ma jistgħux jikkontrollaw;

21.

jappoġġja l-ħtieġa li jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u jitnaqqsu l-livelli għolja ta’ dejn pubbliku fl-interess tal-ġenerazzjonijiet li jmiss; jenfasizza li l-kompożizzjoni tan-nefqa pubblika għandha tittejjeb fid-dawl tal-prinċipji tal-OECD għal investiment pubbliku effettiv fil-livelli kollha tal-gvern; huwa impenjat li jikkontribwixxi sabiex jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tippromovi d-deċentralizzazzjoni fiskali fl-UE kollha, li, skont l-evidenza disponibbli, tgħin biex ittejjeb l-effettività tan-nefqa pubblika (7);

22.

jaqbel mal-ħtieġa li jsir użu effettiv mill-għodod disponibbli fil-livell tal-UE, b’mod partikolari l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej tal-politika ta’ koeżjoni, għalkemm jemmen li jeħtieġ li jittejjeb il-funzjonament tal-qafas tal-prestazzjoni u li tiġi evitata r-riġidità eċċessiva li jbati minnha;

23.

jenfasizza li sehem kbir tal-akkwist pubbliku qed jitwettaq mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u li l-isforzi mmirati biex titjieb il-kapaċità amministrattiva fil-pakkett dwar l-akkwist pubbliku (8) għalhekk għandhom jiġu diretti b’mod speċifiku lejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

24.

jenfasizza li, skont l-istħarriġ konġunt reċenti bejn l-OECD u l-KtR dwar l-isfidi relatati mal-finanzjament, il-ġestjoni u r-regolamenti għall-investiment fl-infrastruttura tal-bliet u r-reġjuni tal-UE (9), 66 % ta’ dawk li wieġbu qalu li sabu sfidi fil-kumplessità tad-Direttivi tal-UE dwar l-akkwisti pubbliċi u 61 % fl-ispejjeż u l-ħin potenzjali involuti fil-litigazzjoni ġudizzjarja dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti;

25.

iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jitnaqqas il-preġudizzju tad-dejn fit-tassazzjoni u jiġġieldu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa; jenfasizza li l-ħidma li għaddejja bħalissa lejn Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK), il-miżuri legalment vinkolanti kontra l-abbuż u ż-żieda fit-trasparenza fiskali huma kruċjali; jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi regoli li jippermettu t-tassazzjoni tal-profitti ġġenerati minn kumpaniji multinazzjonali permezz tal-ekonomija diġitali;

26.

jilqa’ l-appell għal enfasi aktar qawwija fuq l-għamla u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku relatat mad-difiża; jenfasizza li tali nfiq għandu jgħin biex tingħeleb il-frammentazzjoni attwali tal-industrija tad-difiża tal-UE, anke billi jitħeġġu r-razzjonalizzazzjoni u l-kooperazzjoni transkonfinali bejn kumpaniji ta’ kull daqs;

27.

jinnota li 76 % tar-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Pajjiżi għall-2017 jikkonċernaw riformi strutturali li jista’ jkollhom impatt territorjali divrenzjat u li, abbażi tat-tqassim attwali tas-setgħat bejn il-livelli tal-gvern, jistgħu jiġu indirizzati biss fi sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

28.

jilqa’ d-dikjarazzjoni tas-SAT tal-2018 li istituzzjonijiet pubbliċi aktar b’saħħithom u aktar effiċjenti huma kruċjali sabiex jinħolqu strutturi ekonomiċi reżiljenti li jippromovu l-investiment u t-tkabbir, u r-rikonoxximent tiegħu li r-riformi strutturali għandhom iqisu l-effetti distribuzzjonali fuq ir-reġjuni;

29.

jagħti struzzjonijiet lill-President sabiex iressaq din ir-Riżoluzzjoni quddiem il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Presidenza Bulgara tal-Kunsill u l-President tal-Kunsill Ewropew.

Brussell, l-1 ta’ Frar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  COM(2017) 690 final.

(2)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2017-0418+0+DOC+XML+V0//MT.

(3)  Adottata fit-30 ta’ Novembru 2017, relatur: Christophe Rouillon (FR/PSE).

(4)  Ara l-Opinjoni tal-KtR dwar “It-titjib tal-governanza tas-Semestru Ewropew: Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali” tal-11 ta’ Mejju 2017.

(5)  Ara l-Opinjoni tal-KtR dwar “Il-futur tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2020 – Għal politika ta’ koeżjoni Ewropea b’saħħitha u effettiva wara l-2020”, tat-12 ta’ Mejju 2017.

(6)  http://cor.europa.eu/en/documentation/studies/Documents/Implementation-EFSI/implementation_EFSI_pdf.pdf.

(7)  Ara wkoll ir-rapport tal-OECD dwar Fiscal Federalism 2016 – Making Decentralisation Work.

(8)  COM(2017) 572.

(9)  Qed jiġi ppubblikat.


23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/5


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar it-tibdil tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej biex jiġu appoġġjati r-riformi strutturali

(2018/C 176/02)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament li jemenda r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (UE) Nru 1303/2013 tas-6 ta’ Diċembru 2017 (1);

wara li kkunsidra:

(i)

l-Opinjoni tal-KtR dwar Il-Proposta mill-Kummissjoni għal Regolament Ġenerali dwar il-fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni tal-4 ta’ Mejju 2012, li tenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma għandhomx jiġu penalizzati minħabba li ċerti Stati Membri naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom fil-qasam tal-governanza ekonomika, b’mod partikolari fir-rigward tad-defiċit nazzjonali;

(ii)

l-Opinjoni tal-KtR dwar Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu mill-2017 sal-2020, tat-8 ta’ April 2016, fejn il-KtR oppona li l-politika ta’ koeżjoni tkun soġġetta għall-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew peress li l-politika ta’ koeżjoni hija leġittima fiha nnifisha u hija minquxa fit-Trattati Ewropej;

(iii)

l-Opinjoni tal-KtR dwar Il-futur tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2020 “Għal politika ta’ koeżjoni Ewropea b’saħħitha u effettiva wara l-2020” tat-12 ta’ Mejju 2017, li fuqha tissejjes l-inizjattiva #CohesionAlliance u li enfasizzat li l-inklużjoni tal-politika ta’ koeżjoni fil-programmi nazzjonali ta’ riforma għandha titfassal mill-ġdid mil-livell Ewropew ’l isfel b’tali mod li jinżammu d-dimensjoni territorjali u l-approċċ deċentralizzat ibbażat fuq is-sħubija;

(iv)

l-Opinjoni tal-KtR dwar It-titjib tal-governanza tas-Semestru Ewropew: Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-11 ta’ Mejju 2017, li fiha sar appell biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti b’mod strutturat bħala msieħba fis-Semestru Ewropew, fid-dawl tad-diviżjoni attwali tas-setgħat u l-kompetenzi fil-livelli differenti ta’ gvern fl-Istati Membri tal-UE, sabiex is-Semestru Ewropew jsir iżjed effettiv u tissaħħaħ is-sjieda tiegħu fil-livell lokali;

(v)

l-Opinjoni tal-KtR dwar Dokument ta’ riflessjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja sal-2025 tal-1 ta’ Diċembru 2017, li appoġġjat strateġija ta’ konverġenza bil-għan li tikkomplementa l-politiki Ewropej eżistenti għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

1.

jiġbed l-attenzjoni li l-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija għan għall-politiki kollha tal-UE (Artikolu 3 tat-Trattat tal-UE) u fl-istess ħin politika ġenwina minquxa fit-Trattat (Artikoli 174 – 177);

2.

jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni – kif definita fit-Trattat tal-UE – ma tinkludix l-obbligu li tiffinanzja r-riformi strutturali fl-Istati Membri;

3.

jenfasizza li, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandhom jiġu definiti l-kunċett u l-kamp ta’ applikazzioni tar-“riformi strutturali” eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju Ewropew. Il-KtR jinnota l-importanza li dan isir fuq il-bażi ta’ analiżi tal-valur miżjud Ewropew peress li l-Artikolu 2a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 ta’ Lulju 1997, li l-proposta attwali tirreferi għalih, jipprovdi definizzjoni wiesgħa u, għaldaqstant mhux adatta, tal-kunċett ta’ “riformi strutturali”;

4.

jiċħad ir-raġunament mogħti għall-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, peress li l-għan tal-politika ta’ koeżjoni, kif implementata permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej li għalihom ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) jipprovdi l-qafas legali ġenerali, mhuwiex li tappoġġja riformi strutturali fl-Istati Membri, iżda li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti;

5.

josserva bi tħassib li s-suġġeriment li l-appoġġ għar-riformi strutturali jitqiegħed taħt ġestjoni diretta u li ma jiġi stabbilit l-ebda rekwiżit ta’ kofinanzjament għal dan l-infiq jindika li l-politika ta’ koeżjoni qed terġa’ tiġi nazzjonalizzata billi tmur kontra l-prinċipji tal-kofinanzjament u l-ġestjoni kondiviża li fuqhom din tissejjes. Dawn il-prinċipji huma kruċjali għall-promozzjoni tas-sjieda, l-infurzar tal-governanza tajba u li l-politika ta’ koeżjoni jkollha l-aqwa effett ta’ lieva possibbli;

6.

jenfasizza li l-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli, li huwa minqux legalment fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, jitlob azzjoni kkoordinata, b’mod partikolari bejn il-livelli differenti ta’ governanza, imwettqa fi sħubija skont il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni operazzjonali u istituzzjonali, fir-rigward tat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Ftehim tas-Sħubija u l-programmi. Għalhekk, l-użu tar-riżorsi tal-FSIE biex jiġu ffinanzjati r-riformi nazzjonali jitlob azzjoni koordinata bejn il-livelli differenti ta’ gvern li mhuwiex permess fil-proposta tal-Kummissjoni;

7.

jinnota bi tħassib li l-ħolqien ta’ sistema ta’ “flus għar-riformi” bħal dik li qed tiġi proposta attwalment imur kontra l-prinċipji tas-sħubija u l-governanza f’diversi livelli u ma tippermettix il-promozzjoni tas-sjieda lokali u reġjonali tar-riformi strutturali rilevanti fil-livell tal-UE, minħabba li ħafna minnhom jeħtieġu l-kontribut tal-gvern lokali u reġjonali;

8.

huwa tal-fehma li hemm kontradizzjoni bejn l-użu tar-riżorsi tal-FSIE għall-finanzjament tar-“riformi strutturali ġenerali” fl-Istati Membri u l-obbligu tal-konċentrazzjoni tematika kif definit fl-Artikolu 18 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

9.

huwa mħasseb li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi modifika lir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni kif ukoll li tuża r-riżerva ta’ prestazzjoni tal-FEIS sabiex tiġi ffinanzjata għodda ta’ twettiq ta’ riforma li għadha ma ġietx proposta u li dwarha m’għad hemm l-ebda dettalji;

10.

jenfasizza li l-għan tar-riżerva ta’ prestazzjoni tal-FSIE kif deskritt fl-Artikoli 20-22 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni huwa li jiġu appoġġjati biss il-programmi u l-prijoritajiet li laħqu l-miri tagħhom u li jingħataw inċentivi għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni li jirnexxu; jinsab imħasseb li t-tnaqqis propost ta’ dawn l-inċentivi jiskoraġġixxi r-reġjuni u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni li għamlu suċċess u, għalhekk, ma jaqbilx mal-proposta tal-Kummissjoni li partijiet minn din ir-riżerva ta’ prestazzjoni – anke fuq bażi volontarja – jintużaw għal skopijiet oħra; Jekk il-proposta tal-Kummissjoni tiġi adottata mill-Kunsill u mill-Parlament, l-implimentazzjoni tagħha għandha ssir fuq bażi volontarja, biex il-bidliet tal-istruttura attwali tal-programmi tal-FSIE jitħallew f’idejn ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet.

11.

huwa tal-fehma li l-klawżoli ta’ inklużjoni fakultattiva u l-parteċipazzjoni volontarja fi skema tal-UE ma jistgħux jintużaw biex jiġi sostnut li din il-proposta ma għandha l-ebda rilevanza għas-sussidjarjetà sakemm din l-iskema tinvolvi finanzjament tal-UE maħsub sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fit-Trattati li huma rilevanti għall-Istati Membri kollha tal-UE. Tabilħaqq, kwalunkwe finanzjament tal-UE għandu jingħata b’rabta mal-għanijiet stabbiliti fit-Trattati tal-UE u jkollu bażi legali direttament relatata mal-għanijiet li huwa intiż li jilħaq;

12.

huwa mħasseb li kwalunkwe tibdil fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni f’dan l-istadju ta’ implimentazzjoni tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, imwettaq qabel l-analiżi tal-prestazzjoni skedata fl-2019 (Artikolu 21), jista’ jwassal għal inċertezza legali u iżjed dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi attwali tal-FSIE;

13.

huwa mħasseb ukoll dwar iż-żmien li fih għandha titnieda l-għodda l-ġdida tal-implimentazzjoni, peress li r-riżultati tal-“fażi pilota” proposta ma jistgħux jikkontribwixxu għall-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid li għandu jiġi ppreżentat f’Mejju 2018. Jekk il-proġett pilota għadu jrid jiġi propost u adottat mil-leġislaturi u jrid jibda fl-2018, il-ġbir tal-evidenza dwar il-prestazzjoni tiegħu u r-riżultati qabel Mejju 2018 ser ikunu estremament diffiċli. Kwalunke proposta għal għodda għat-twettiq ta’ riforma għall-perjodu wara l-2020 mhux ser ikollha l-informazzjoni dwar l-esperjenza preċedenti;

14.

jinnota li l-prinċipju li jintużaw il-Fondi SIE sabiex jiġu ffinanzjati riformi strutturali li mhumiex relatati mal-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni diġà ġie introdott mill-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali, filwaqt li l-pakkett finanzjarju ta’ dan il-Programm jitnaqqas mill-assistenza teknika tal-FEŻR u l-Istati Membri huma permessi jieħdu kontribuzzjonijiet addizzjonali mir-riżorsi tal-assistenza teknika tal-programmi operattivi. Jissottolinja li dan il-preċedent ta’ tħassib issa huwa msaħħaħ mill-pakkett tal-Unjoni Monetarja u Ekonomika, b’implikazzjonijiet li jitfgħu f’dubju l-pedamenti tal-politika ta’ koeżjoni;

15.

għalhekk jirrifjuta l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi emendat ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni bil-għan li r-riżerva ta’ prestazzjoni tintuża biex tappoġġja r-riformi strutturali fl-Istati Membri. Il-KtR jinsab lest li jagħmel użu sħiħ mill-prerogattiva tiegħu li jikkontesta l-att leġislattiv quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’konformità mal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

16.

rigward il-QFP u l-perjodu ta’ programmazzjoni wara l-2020, jinsab lest li jiddiskuti fid-dettall ir-rabtiet bejn il-politika ta’ koeżjoni, ir-riformi strutturali rilevanti fil-livell tal-UE u s-Semestru Ewropew. Dawn ir-rabtiet ikunu jridu jiffurmaw parti minn strateġija globali tal-UE dwar il-governanza ekonomika, soċjali u sostenibbli bħala segwitu għall-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KtR huwa tal-fehma li l-kontribut sħiħ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istadji kollha ta’ strateġija bħal din huwa prerekwiżit, kif stabbilit fil-Kodiċi ta’ Kondotta tal-KtR;

17.

jagħti struzzjonijiet lill-President sabiex iressaq din ir-Riżoluzzjoni quddiem il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Presidenza Bulgara tal-Kunsill u l-President tal-Kunsill Ewropew.

Brussell, l-1 ta’ Frar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  COM(2017) 826 final


23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/8


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta’ riskju ċar ta’ ksur gravi tal-istat tad-dritt mill-Polonja

(2018/C 176/03)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2017 lill-Kunsill biex jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2017 dwar l-istat tad-dritt fl-UE minn perspettiva lokali u reġjonali;

wara li kkunsidra l-Opinjoni tiegħu tat-12 ta’ Frar 2015 dwar “L-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ħarsien f’diversi livelli tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-UE”;

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u d-demokrazija fil-Polonja;

wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2017 dwar l-Abbozz ta’ Att li jemenda l-Att dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura; dwar l-Abbozz ta’ Att li jemenda l-Att dwar il-Qorti Suprema tal-Polonja, propost mill-President tal-Polonja; u dwar l-Att dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, adottat mill-Kummissjoni fil-113-il sessjoni plenarja;

1.

itenni l-adeżjoni tiegħu mas-sett komuni ta’ valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, li jinkludu r-rispett tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB);

2.

iqis li dawn il-valuri jiffurmaw il-bażi għall-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, u bejn il-livelli kollha tal-gvern;

3.

jenfasizza li bosta prinċipji li fuqhom huwa msejjes l-istat tad-dritt – il-legalità, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza quddiem il-liġi, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda, it-trasparenza, ir-responsabbiltà, is-separazzjoni tas-setgħat, proċess demokratiku u pluralist għall-promulgazzjoni tal-liġijiet, iċ-ċertezza legali, il-projbizzjoni ta’ atti arbitrarji mis-setgħat eżekuttivi, qrati indipendenti u imparzjali u stħarriġ ġudizzjarju effettiv – huma ta’ rilevanza diretta u immedjata għall-funzjonament tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll prerekwiżit għall-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea;

4.

jappoġġja, għalhekk, il-Proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2017 lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bbażata fuq il-valutazzjoni li hemm riskju ċar ta’ ksur serju tal-istat tad-dritt fil-Polonja;

5.

jistenna li l-gvern Pollakk u l-Kummissjoni jidħlu fi djalogu kostruttiv dwar kif għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni qabel l-20 ta’ Marzu 2018, speċjalment sabiex jiġu evitati l-effetti konsegwenzjali ta’ ħsara fuq il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, inkluż fir-rigward ta’ proposti li għandhom jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ wara l-2020;

6.

jirrifjuta kwalunkwe kundizzjonalità politika ex-post, li tkun tfisser li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jisfaw ostaġġi tal-politiki segwiti mill-gvernijiet nazzjonali li jkunu jwasslu għas-sospensjoni tal-finanzjament tal-UE għall-bliet u r-reġjuni. Il-Politika ta’ Koeżjoni m’għandhiex tkun soġġetta għal kondizzjonalitajiet fil-livell Ewropew li ma jistgħux jiġu influwenzati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u benefiċjarji oħrajn. Madankollu, il-KtR jiġbed l-attenzjoni dwar id-dispożizzjonijiet diġà eżistenti fil-Ftehimiet ta’ Sħubija li jippermettu li l-finanzjament jiġi sospiż f’każ ta’ ksur tal-istat tad-dritt mill-awtoritajiet lokali u reġjonali. Jesprimi tħassib dwar il-konformità ta’ kundizzjonalitajiet politiċi potenzjali fuq l-aċċess għall-fondi tal-UE għal bliet u reġjuni skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità;

7.

jenfasizza wkoll li proċedura ta’ ksur kontra Stat Membru quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tista’ twassal biex din tal-aħħar tiddeċiedi li l-multi jkollhom jitħallsu bi spejjeż għall-gvern ċentrali;

8.

jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-Riżoluzzjoni quddiem il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Presidenza Bulgara tal-Kunsill u l-President tal-Kunsill Ewropew.

Brussell, l-1 ta’ Frar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


OPINJONIJIET

Il-Kumitat tar-Regjuni

Il-127 sessjoni plenarja tal-KtR, 31.1.2018–1.2.2018

23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/10


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Il-futur tal-programm COSME wara l-2020: il-perspettiva reġjonali u lokali

(2018/C 176/04)

Relatur:

Robert Sorin Negoiţă (RO/PSE), Sindku tad-Distrett 3 tal-Muniċipalità ta’ Bucharest

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura qafas prevedibbli u stabbli ta’ appoġġ għall-SMEs wara l-2020 billi toħloq programm suċċessur imġedded u msaħħaħ tal-COSME li jikkunsidra l-ħtiġijiet tat-tipi differenti ta’ SMEs fit-territorji differenti tal-UE;

2.

josserva li hemm nuqqas ta’ għarfien, kemm fost in-negozji kif ukoll l-intermedjarji finanzjarji f’bosta territorji tal-UE, dwar l-istrumenti finanzjarji disponibbli taħt il-programm COSME; għalhekk, jissuġġerixxi li jissaħħu l-azzjonijiet marbutin mal-informazzjoni u t-tixrid dwar l-istrumenti disponibbli li jkunu intiżi għat-territorji tal-UE kollha;

3.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu ddedikati riżorsi biżżejjed biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi għall-usa’ firxa possibbli ta’ intrapriżi żgħar fit-territorji differenti; huwa tal-fehma li l-promozzjoni tas-sħubijiet pubbliċi-privati bejn l-intermedjarji finanzjarji u l-atturi reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni konġunta ta’ strumenti finanzjarji mmirati, li jikkomplementaw l-istrumenti eżistenti ta’ fondi ta’ garanzjia u ta’ ekwità, tista’ tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan fit-tul tal-ħolqien ta’ tkabbir sostenibbli u impjieg;

4.

ifaħħar l-inizjattiva tan-Netwerk Enterprise Europe (EEN) u jappoġġja bil-qawwa t-tkomplija, l-estensjoni u l-aġġornament tiegħu taħt kwalunkwe suċċessur COSME; josserva li l-EEN mhuwiex mifrux u viżibbli biżżejjed, b’mod partikolari f’ċerti pajjiżi, reġjuni rurali u remoti, u żoni b’densità tal-popolazzjoni li tkun iktar baxxa; għalhekk, jissuġġerixxi li n-netwerk tal-punti ta’ kuntatt tal-EEN jiġi estiż sabiex tiġi żgurata l-usa’ kopertura territorjali possibbli;

5.

jissuġġerixxi li l-għanijiet bħall-promozzjoni tal-intraprenditorija fis-setturi kollha u f’tipi differenti ta’ territorji, inklużi r-reġjuni inqas żviluppati u dawk periferiċi u ż-żoni suburbani, kif ukoll it-tisħiħ ta’ ekosistemi intraprenditorjali reġjonali billi jiġi appoġġjat l-immappjar tal-ekosistemi u permezz tal-konnessjoni tar-reġjuni aktar avvanzati ma’ dawk li għadhom qed ilaħħqu, jingħataw prijorità taħt kwalunkwe programm suċċessur COSME;

6.

huwa tal-fehma li t-trasparenza u s-sinerġiji bejn l-istrumenti differenti tal-UE li jappoġġjaw l-SMEs jeħtieġ li jittejbu fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiddelimita b’mod ċar il-funzjoni u l-iskop ta’ kull strument li jappoġġja l-SMEs u l-intraprendituri, sabiex jiġi evitat li jinħolqu strutturi paralleli, u jiġi żgurat li l-benefiċjarji u l-intermedjarji finanzjarji jkunu jistgħu jaċċessaw b’mod faċli l-informazzjoni dwar il-firxa kollha tal-istrumenti disponibbli;

7.

huwa tal-fehma li, peress li d-domanda mistennija għall-Istrument ta’ Garanzija tas-Self tal-COSME hija tant kbira li anke ż-żidiet previsti għall-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self fil-qafas tal-FEIS 2.0 jistgħu ma jkunux biżżejjed, għandu jiġi kkunsidrat l-għoti ta’ riżorsi addizzjonali għall-programm COSME (1);

8.

huwa tal-fehma li għandu jsir rieżami tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji. Il-livell attwali tat-taxxa minima kif stabbilit fl-Avviż huwa fil-fatt pjuttost għoli meta mqabbel mar-rati tal-imgħax kurrenti fuq is-self;

9.

jissuġġerixxi li l-istrumenti finanzjarji li jipprovdu protezzjoni parzjali tar-riskju tal-kreditu maħruġa taħt COSME LGF għandhom jipprovdu sa 80 % protezzjoni tar-riskju tal-kreditu. Mingħajr il-garanzija, ħafna drabi l-proġetti ma jiġux segwiti minn SMEs, li jirriżulta f’sitwazzjoni ta’ investiment subottimali. Il-garanziji huma mfassla biex jirrispondu b’mod xieraq għal mudelli ta’ negozju tal-SMEs, li jippermettulhom jikbru fuq bażi sostenibbli fit-tul;

10.

jemmen li jeħtieġ li jiġi ċċarat li l-finanzjament taħt il-programm COSME jista’ jiġi kkombinat ma’ fondi oħra tal-UE;

11.

huwa tal-fehma li l-livell limitu, stabbilit għal ammont misluf ta’ EUR 150 000, li lil hinn minnu għandu jiġi vverifikat jekk l-intrapriżi jkunux eliġibbli għal fondi taħt il-programm Orizzont 2020, għandu jiżdied għal EUR 500 000. Fl-istess ħin, jeħtieġ li jitnaqqas it-tul minimu ta’ sena tal-maturità tas-self, u l-maturità massima għandha tiżdied għal aktar minn 10 snin;

12.

jirrikonoxxi li, f’dak li jikkonċerna l-intraprendituri fis-setturi li qed jikbru li għandhom bżonn ta’ kapital ta’ riskju iżda jixtiequ jżommu l-kontroll tal-kumpaniji tagħhom, ġie enfasizzat li l-investituri informali (business angels) ma jistgħux ikunu soluzzjoni, u li għaldaqstant jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li jissaħħu forom oħra ta’ finanzjament ta’ riskju, bħall-finanzjament intermedju;

13.

huwa tal-fehma li l-appoġġ tal-programm COSME lill-intermedjarji finanzjarji privati permezz tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) jista’ jkun ikkomplementat minn appoġġ mogħti permezz tal-fondi reġjonali ta’ investiment, ġestiti minn awtoritajiet reġjonali jew aġenziji ta’ żvilupp reġjonali. Għadd ta’ reġjuni jistgħu jingħaqdu flimkien biex jistabbilixxu fondi ta’ investiment konġunti;

14.

huwa tal-fehma li jinħtieġu koordinazzjoni effettiva bejn il-programmi lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej, u regoli uniformi marbuta mad-dinja tan-negozju fl-Istati Membri sabiex tiġi appoġġjata d-dinja tan-negozju;

15.

jemmen li għandu jkun hemm iżjed enfasi fuq il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iħeġġu l-intraprenditorija u n-negozji l-ġodda tal-SMEs u li l-miżuri għandhom jittieħdu biex jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-appoġġ lid-dinja tan-negozju u l-iżvilupp ta’ sħubijiet pubbliċi-privati;

L-appoġġ għall-SMEs u l-intraprendituri wara l-2020

16.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-SMEs, in-negozji l-ġodda u dawk li qed jespandu huma l-ixpruni ewlenin tal-Ewropa għall-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi u jiġġeneraw impjieg stabbli u lokali, u b’hekk jissaħħaħ it-tessut soċjali u ekonomiku fit-territorji tagħhom;

17.

jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-ekosistemi tan-negozju Ewropew billi jiġi provdut appoġġ immirat lill-SMEs, in-negozji l-ġodda u dawk li qed jespandu bħala parti minn politika Ewropea tal-SMEs koerenti, effiċjenti u orjentata lejn ir-riżultati;

18.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li dan il-qafas ta’ appoġġ ikun ikkomplementat minn mekkaniżmu li jiżgura li l-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli u b’diversi atturi jiġu integrati fil-politiki tal-UE dwar l-SMEs; għalhekk, itenni t-talba tiegħu, li għamel fl-Opinjoni tiegħu dwar Regolamentazzjoni Intelliġenti għall-SMEs (2), biex, formalment u sistematikament, ir-rappreżentanti reġjonali u lokali tal-SMEs jiġu inklużi fin-netwerk tar-Rappreżentanti tal-SMEs, li jaġixxi bħala l-istrument ewlieni ta’ governanza tal-politika tal-UE dwar l-SMEs;

Aċċess għall-finanzjament

19.

jenfasizza li l-iżjed parti sinifikanti tal-baġit tal-COSME hija ddedikata għall-iffaċilitar tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament; huwa tal-fehma li kwalunkwe programm futur intiż bħala appoġġ għall-SMEs għandu jkompli jfittex li jilħaq l-għan li jnaqqas id-distakk fil-finanzjament tal-SMEs;

20.

jitlob, madankollu, li tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat li kwalunkwe programm suċċessur COSME jindirizza l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-ispettru sħiħ tal-SMEs fit-territorji differenti tal-UE, inklużi l-SMEs tradizzjonali, l-awtointraprendituri, il-mikrointrapriżi u negozji ġodda b’rata għolja ta’ tkabbir u negozji li qed jespandu;

21.

jemmen li kwalunkwe programm suċċessur COSME għandu jqis il-kuntest attwali ta’ wara l-kriżi, li fih il-ħolqien tal-impjiegi għadu lura meta mqabbel mal-irkupru tal-PGD, u għandu jagħti attenzjoni partikolari biex jappoġġja l-ħolqien tal-impjieg fl-SMEs u l-mikrointrapriżi;

22.

jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġu ddedikati biżżejjed riżorsi biex jitħaffef l-aċċess għall-finanzjament għall-usa’ firxa possibbli ta’ negozji li jinsabu f’territorji differenti, inklużi l-SMEs tradizzjonali, il-mikrointrapriżi, il-koperattivi u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, u matul l-istadji differenti tal-iżvilupp tan-negozju;

23.

josserva li bosta intraprendituri potenzjali m’għandhomx l-informazzjoni u l-ħiliet bażiċi tan-negozju li għandhom bżonn biex jistabbilixxu l-kumpanija tagħhom; jissuġġerixxi li dawn l-intraprendituri potenzjali jiġu appoġġjati minn offerti ta’ appoġġ fi stadju bikri li jipprovdu taħriġ immirat “à la carte” qabel ma jniedu n-negozju tagħhom;

24.

itenni s-suġġeriment tiegħu, li għamel fl-Opinjoni tiegħu dwar Regolamentazzjoni Intelliġenti għall-SMEs  (3), li tinħoloq skema Ewropea “Take One” li tinkoraġġixxi r-reklutaġġ tal-ewwel impjegat minn intraprenditur waħdu jew minn mikrointrapriża, permezz ta’ inċentivi finanzjarji u regoli flessibbli, li tista’ tkun iffinanzjata permezz tal-programm COSME;

25.

josserva li l-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self għadha strument essenzjali biex tgħin lill-SMEs ikollhom aċċess għall-finanzi; jitlob li l-istrument ta’ garanzija taħt programm suċċessur COSME jkollu r-riżorsi adegwati biex jindirizza l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-SMEs; huwa tal-fehma li strument bħal dan ma għandux jinkludi restrizzjonijiet iżda jibqa’ miftuħ għal tipi differenti ta’ kumpaniji; jemmen li t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija u l-inklużjoni tagħhom fil-katini tas-self jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament; għalhekk, jissuġġerixxi li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiġu inkluzi fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ garanzija taħt kwalunkwe programm suċċessur COSME;

26.

josserva li l-kapital ta’ riskju u forom oħra ta’ finanzjament ta’ riskju għandhom it-tendenza li jiġu investiti prinċipalment f’żoni kbar urbani u metropolitani, u li l-għadd limitat ta’ intermedjarji finanzjarji li bħalissa qed joperaw taħt il-Faċilità ta’ Ekwità għat-Tkabbir taħt COSME u l-fokus settorjali ristrett tagħhom jistgħu jikkostitwixxu ostaklu għan-negozji fil-fażijiet tal-bidu u t-tkabbir milli jaċċessaw il-finanzjament taħt il-Faċilità ta’ Ekwità għat-Tkabbir;

27.

għalhekk jissuġġerixxi li jiġi eżaminat kif l-approċċ attwali, li huwa xprunat purament mid-domanda, jista’ jkun ikkomplementat permezz ta’ strument ta’ kapital ta’ riskju bbażat fuq il-ġestjoni kondiviża tar-riżorsi, li potenzjalment ilaqqa’ flimkien l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-aġenziji tal-iżvilupp u l-banek taħt programm suċċessur COSME, sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà iżjed bilanċjata tal-kapital ta’ riskju fit-territorji kollha tal-UE;

28.

huwa tal-fehma li forom alternattivi ta’ finanzjament, bħall-crowdfunding, il-crowd-investing u l-peer-lending, jistgħu jkunu għodod utli biex itejbu l-aċċess għall-finanzjament u jappoġġjaw negozji innovattivi; jissuġġerixxi li kwalunkwe programm suċċessur COSME joħloq qafas ċar għall-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji permezz ta’ finanzjament alternattiv;

29.

jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ grupp ta’ esperti dwar finanzjament alternattiv, inklużi prattikanti mil-livell reġjonali u lokali, li joffru ispirazzjoni u gwida fl-istabbiliment ta’ qafas bħal dan, u li jiżguraw li dan jindirizza l-ħtiġijiet differenti tal-intraprendituri, in-negozji l-ġodda u dawk li qed jespandu f’ekosistemi differenti tan-negozju fil-livell lokali u reġjonali;

Aċċess għas-swieq

30.

huwa tal-fehma li l-azzjonijiet fil-livell tal-UE favur l-internalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej jipprovdu u jeħtieġ li jipprovdu valur miżjud ġenwin għall-SMEs Ewropej li jixtiequ jespandu lil hinn mill-fruntieri; josserva li dawn l-azzjonijiet għandhom jikkomplementaw l-inizjattivi li jeżistu fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali sabiex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u tinħoloq sensiela ta’ miżuri komprensivi u konsistenti;

31.

f’dan ir-rigward, ifaħħar l-inizjattiva tan-Netwerk Enterprise Europe (EEN) kofinanzjata taħt il-programm COSME, li jipprovdi lill-SMEs Ewropej b’servizzi ta’ konsulenza fil-qasam tal-espansjoni lil hinn mill-fruntieri nazzjonali kif ukoll dawk tal-UE, kif ukoll fl-iffaċilitar u l-izvilupp tal-innovazzjoni, inkluż l-aċċess għall-finanzjament, u jappoġġja ferm it-tkomplija, l-estensjoni u l-aġġornament tiegħu taħt is-suċċessur tal-programmi attwali COSME, fil-kuntest tal-Brexit;

32.

jenfasizza d-dimensjoni lokali u reġjonali b’saħħitha tal-punti ta’ kuntatt tal-EEN, magħmula fil-biċċa l-kbira minn aġenziji ta’ żvilupp reġjonali, aġenziji tal-intraprenditorija u l-innovazzjoni, il-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija fil-livell reġjonali, clusters u universitajiet, li huma integrati sew fir-realtà lokali u f’kuntatt mill-qrib mal-SMEs lokali;

33.

josserva li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex jgħinu lill-SMEs tagħhom jiffaċċjaw il-kompetizzjoni, jaċċessaw is-swieq barranin, u jsibu msieħba ġodda tan-negozju fi ħdan l-UE u lil hinn minnha;

34.

jenfasizza li l-programm suċċessur COSME għandu jiżgura li l-EEN ser ikompli jkun marbut mill-qrib mal-ekosistemi intraprenditorjali fil-livell lokali u reġjonali u li tiġi stabbilita kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati lokali u reġjonali, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

Promozzjoni tal-ispirtu intraprenditorjali

35.

ifaħħar il-ħolqien u r-riżultati tal-programm Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ ffinanzjat taħt il-programm COSME attwali, u jirrakkomanda t-tkomplija tiegħu taħt il-programm suċċessur;

36.

jissuġġerixxi li l-konsulenti ddedikati għan-negozji li qed jespandu previsti fl-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu bħala parti mis-servizzi tal-EEN jiġu kkomplementati minn netwerk ta’ promoturi reġjonali u lokali ta’ negozji li qed jespandu, li jistgħu wkoll jiffurmaw il-bażi għal sħubijiet interreġjonali ta’ negozji li qed jespandu li joffru servizzi ta’ pariġġar (matchmaking services) u jrawmu kooperazzjoni interreġjonali u investimenti transkonfinali;

37.

jissuġġerixxi li l-għoti mill-EEN ta’ servizzi ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni għandu jissaħħaħ fil-qasam tal-aċċess għall-akkwist pubbliku transkonfinali u opportunitajiet ta’ trasferiment ta’ negozju transkonfinali;

38.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat biżżejjed appoġġ għall-SMEs fil-QFP li jmiss wara l-2020 permezz ta’ tisħiħ tal-komplementarjetà u billi tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn id-diversi strumenti ta’ finanzjament tal-SMEs pprovduti mill-Kummissjoni Ewropea u l-BEI/FEI;

COSME fil-kuntest tal-programmi l-oħra tal-UE

39.

josserva l-mezzi finanzjarji allokati attwalment lill-COSME, li jikkorrispondu għl inqas minn 0,3 % tal-baġit tal-UE, ma jirriflettux ir-rwol kruċjali li jaqdu l-SMEs u l-intraprendituri fil-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi; jirrikonoxxi, madankollu, li l-linji ta’ finanzjament li jappoġġjaw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament jeżistu wkoll fi programmi oħra tal-UE;

40.

Fid-dawl tal-baġit sostanzjali allokat għall-appoġġ lill-SMEs taħt l-Objettiv Tematiku 3 tal-FSIE: il-Kompetittività tal-SMEs, isostni li hija essenzjali l-koordinazzjoni bejn kwalunkwe programm suċċessur COSME u l-FSIE; sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar bejn dawn l-istrumenti, jirrakkomanda li jinħoloq grupp ta’ tmexxija tal-SMEs li jinvolvi s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-KtR bħala r-rappreżentanza istituzzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-livell Ewropew;

41.

jissuġġerixxi li jiġu introdotti punti uniċi ta’ kuntatt li jipprovdu informazzjoni u aċċess għall-istrumenti rilevanti kollha li huma disponibbli taħt il-fondi u l-programmi differenti tal-UE għall-SMEs u l-intraprendituri; huwa tal-fehma li EEN estiż u aġġornat jista’ jwettaq din il-funzjoni fil-post;

42.

jistieden lill-Kummissjoni tissemplifika kemm l-aċċess għall-istrumenti finanzjarji mill-programmi individwali, kif ukoll l-ikkombinar tal-appoġġ mill-COSME jew programm suċċessur ma’ riżorsi minn fondi u programmi oħra; jafferma mill-ġdid it-tħassib tiegħu, li esprima fl-Opinjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti għall-SMEs (4), dwar l-ostakli li jinqalgħu minħabba rekwiżiti inkoerenti u definizzjonijiet konfliġġenti fil-politiki settorjali tal-UE.

Brussell, il-31 ta’ Jannar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Ara, pereżempju, Ewa Chomowicz: EU budget post-Brexit. Confronting reality, exploring viable solutions. Brussell, European Policy Centre [verżjoni onlajn], p. 5-6 u 25-26, Marzu 2017; Jörg Haas & Eulalia Rubio: Brexit and the EU budget. Threat or opportunity? Berlin, Delors Institute, p. 8-18, Jannar 2017.

(2)  Opinjoni tal-KtR dwar Regolamentazzjoni Intelliġenti għall-SMEs (relatur: Christian Buchmann (AT/PPE), ECON-VI/020), punt 8.

(3)  Opinjoni tal-KtR dwar Regolamentazzjoni Intelliġenti għall-SMEs (relatur: Christian Buchmann (AT/PPE), ECON-VI/020), punt 48.

(4)  Opinjoni tal-KtR dwar Regolamentazzjoni Intelliġenti għall-SMEs (relatur: Christian Buchmann (AT/PPE), ECON-VI/020), punt 14.


23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/15


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn implimentazzjoni komprensiva tal-Istrateġija Ewropea mġedda għar-reġjuni ultraperiferiċi

(2018/C 176/05)

Relatur:

Fernando Clavijo Batlle (ES/ALDE) President tal-Gvern tal-Gżejjer Kanarji

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Sħubija strateġika aktar b’saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE

COM(2017) 623 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi, magħmulin minn tmien gżejjer u arċipelagi fil-Karibew, l-Oċean Indjan u l-Oċean Atlantiku, u reġjun iżolat fl-Amażonja, jinkludu sitt komunitajiet Franċiżi extra-Ewropej (il-Guyana Franċiża, il-Guadelupe, il-Martinique, il-Mayotte, Réunion u Saint-Martin), żewġ reġjuni awtonomi Portugiżi (l-Azores u Madeira) u komunità awtonoma Spanjola waħda (il-Gżejjer Kanarji), li jikkondividu l-limiti speċifiċi rikonoxxuti fl-Artikolu 349 tat-TFUE, li l-persistenza u l-kombinazzjoni tagħhom jagħmluha diffiċli li jkun hemm żvilupp ekonomiku u soċjali;

2.

jirrikonoxxi l-ġid eċċezzjonali tal-ekosistemi tagħhom, il-potenzjal kbir tagħhom għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u l-attivitajiet ta’ riċerka tal-baħar u dik marittima, l-ambjent, l-ajruspazju, l-astronomija, il-vulkanoloġija, l-oċeanografija, il-biedja, it-turiżmu sostenibbli u l-wirt kulturali rikk tagħhom;

3.

jenfasizza li, minkejja l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom dawn ir-reġjuni, l-aħħar fruntieri tal-Ewropa, hemm opportunitajiet ta’ żvilupp tan-negozju f’oqsma bħalma huma l-ekonomija blu, dik ekoloġika, white economy, dik tal-anzjani u t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari, ilkoll b’potenzjal kbir ta’ tkabbir u ħolqien tal-impjieg;

4.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn imġedded tal-UE mar-reġjuni ultraperiferiċi tagħha u jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkunsidra l-proposti tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-Memorandum konġunt tagħhom “Għal impetu ġdid fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE”; dan l-appoġġ, li huwa partikolarment importanti f’mument sensittiv għall-UE, ser jerġa’ jafferma l-impenn tal-istituzzjonijiet Ewropej biex iqisu aħjar iċ-ċirkustanzi tar-reġjuni ultraperiferiċi;

5.

ifakkar li l-Komunikazzjoni l-ġdida dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi hija parti mir-riflessjoni tal-UE dwar il-futur tagħha u t-tfassil tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, u li tinbet fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ta’ Diċembru 2015 li ċċarat b’mod definittiv il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE bħala bażi legali awtonoma u suffiċjenti għar-reġjuni ultraperiferiċi;

6.

iqis li l-Komunikazzjoni l-ġdida għandha tippermetti li tiġi indirizzata l-isfida li l-Artikolu 349 tat-TFUE jiġi implimentat b’mod sistematiku, b’mod li approċċ uniku jlaqqa’ fi ħdanu tliet objettivi: opportunitajiet indaqs, kompetittività u viżibbiltà esterna: tliet dimensjonijiet inseparabbli li saru l-indikaturi ta’ kull politika pubblika ambizzjuża għar-reġjuni ultraperiferiċi, attrezzata b’għodod sabiex jiġu żgurati drittijiet ugwali għaċ-ċittadini tagħhom;

7.

jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni l-ġdida ma tindirizzax kwistjonijiet ta’ importanza ewlenija għar-reġjuni ultraperiferiċi bħall-impatt tal-politika ta’ koeżjoni, l-aġġustamenti speċifiċi fil-qasam soċjali u tal-impjieg, tat-trasport, jew dwar il-futur tal-iskemi speċifiċi tat-taxxa u tad-dwana tar-reġjuni ultraperiferiċi, li huma essenzjali għall-iżvilupp tagħhom;

8.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni ta’ approċċ imsejjes b’mod speċifiku fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iżda jiddispjaċih dwar il-konfużjoni fir-rigward kemm tal-livelli differenti ta’ kompetenza involuti kif ukoll tan-nuqqas ta’ għarfien tal-azzjonijiet attwalment imwettqa minn kull wieħed minnhom;

9.

jilqa’ b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni ddeċidiet li ssaħħaħ is-sħubija tagħha mar-reġjuni ultraperiferiċi sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw kemm jista’ jkun il-potenzjal tagħhom u jibbenefikaw bis-sħiħ mis-sħubija fl-UE, waqt li jitqiesu t-tħassib u l-fehmiet tagħhom permezz ta’ djalogu kontinwu. Sħubija aktar b’saħħitha bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi, l-Istati Membri tagħhom, l-istituzzjonijiet Ewropej, il-BEI u l-partijiet interessati tas-settur privat hija dimensjoni essenzjali; f’dan ir-rigward, il-forums li jsiru darbtejn fis-sena dwar ir-reġjuni ultraperifieriċi wrew li huma effiċjenti biex jagħtu vuċi lill-partijiet interessati kollha, u huwa essenzjali li dawn jinżammu;

10.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ddikjarata li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt ex ante tal-proposti leġislattivi għar-reġjuni ultraperiferiċi biex jitfasslu miżuri adattati; jittama li b’dan l-impetu ġdid, dan ir-rikonoxximent isir realtà b’mod effettiv;

11.

b’mod simili, jieħu nota tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Lulju 2017 dwar il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE: l-applikazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE, kif ukoll il-kontributi tat-tliet Stati Membri rispettivi;

Ir-reġjuni ultraperiferiċi fuq quddiem nett tal-isfidi tal-Ewropa

12.

itenni s-sejħa tiegħu li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UE u jittama li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jindirizza l-kwistjonijiet esperjenzati minn reġjuni bħalma huma r-reġjuni ultraperiferiċi, li huma riflessi f’rati ta’ qgħad li huma fost l-ogħla fl-UE (speċjalment fost iż-żgħażagħ), iż-żieda fl-inugwaljanzi u indikaturi għoljin ta’ esklużjoni soċjali, li juru d-diffikultajiet li dawn jiffaċċjaw mil-lat ta’ impjieg, li jwasslu għal skuntentizza soċjali serja kif urew il-protesti li saru fil-Guyana Franċiża;

13.

jinnota li l-kriżi kellha impatt negattiv sinifikanti fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi, u poġġiethom fost l-iżjed żoni affettwati fl-UE minħabba l-karatteristiċi strutturali tagħhom: fraġilità ekonomika, rati għoljin ta’ qgħad u proporzjon għoli ta’ ħaddiema b’ħiliet baxxi;

14.

jiddeplora l-fatt li, minkejja li inkludiet ass soċjali fl-istrateġija tagħha tal-2012, il-Kummissjoni ma ssostanzjatux bi proposti għal adattament jew b’azzjonijiet konkreti abażi tal-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex ikunu jistgħu jingħataw trattament speċjali fil-programmi Ewropej;

15.

jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni biex tivvaluta jekk allokazzjoni speċifika fl-FSE għar-reġjuni ultraperiferiċi hijiex ġustifikata; is-sitwazzjoni unika rikonoxxuta fl-Artikolu 349 tat-TFUE tappoġġja b’mod wiesa’ din l-allokazzjoni: għalhekk jappoġġa t-talba tal-Parlament u tar-reġjuni ultraperiferiċi biex jiġu inklużi fil-proposta regolatorja li jmiss tal-FSE;

16.

jilqa’ l-proattività tar-reġjuni ultraperiferiċi biex joħolqu n-Netwerk tar-Reġjuni Ultraperiferiċi għall-Impjieg, li l-għan tiegħu huwa t-tfassil ta’ proposti u proġetti maħsuba biex itaffu n-nuqqasijiet tal-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam;

17.

jaqbel li, minkejja l-progress li sar matul is-snin, ir-reġjuni ultraperiferiċi għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi serji, aggravati mit-tibdil fil-klima, il-globalizzazzjoni u l-kriżijiet ċikliċi tal-ekonomija globali, u jappoġġja lill-Kummissjoni meta tqis li hemm ħtieġa ċara biex jitjiebu l-isforzi biex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi tas-sħubija tagħhom mal-UE;

18.

jappella sabiex jitqies l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fuq il-livell reġjonali fil-qafas tal-moviment liberu tal-persuni, il-merkanzija u s-servizzi, peress li ser jaffettwa b’mod sinifikanti lir-reġjuni, b’mod partikolari lir-reġjuni ultraperiferiċi, minħabba l-livell għoli ta’ interkonnessjonijiet mar-Renju Unit u l-kooperazzjoni mar-reġjuni assoċjati, f’oqsma bħat-turiżmu u l-prodotti tradizzjonali;

19.

jinnota li ċerti reġjuni ultraperiferiċi esperjenzaw u qegħdin jesperjenzaw immigrazzjoni irregolari qawwija, b’mod partikolari ta’ minorenni mhux akkumpanjati, li jġibu magħhom problemi konsiderevoli ta’ ġestjoni.

20.

ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi jikkostitwixxu l-fruntieri esterni tal-Ewropa fiż-żoni rispettivi tagħha, u josserva li d-differenzi fl-żvilupp tagħhom meta mqabbla mal-pajjiżi ġirien jiffavorixxu l-flussi migratorji;

21.

ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom għadd ta’ karatteristiċi li jagħmluhom partikolarment vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima. Huma partikolarment esposti għal fenomeni naturali, li saru aktar frekwenti u estremi, u eżempju ċar ta’ dan huma l-konsegwenzi devastanti tal-Uragan Irma meta għadda minn fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi fil-Karibew, b’mod partikolari Saint-Martin;

22.

jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ id-dimensjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-programm LIFE u biex titfassal valutazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea f’dawn ir-reġjuni u jittama li din tintegra d-diffikultajiet ta’ aċċess għalih;

Ir-reġjuni ultraperiferiċi, opportunità għall-Ewropa. Post biex jiġu ttestjati proġetti innovattivi

23.

huwa tal-fehma li l-ekonomija blu għandha potenzjal kbir għat-tkabbir u l-impjieg fl-UE, b’mod partikolari għar-reġjuni ultraperiferiċi, minħabba li dawn isaħħu d-dimensjoni marittima tal-UE u huma kruċjali fil-governanza internazzjonali tal-oċeani;

24.

jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni l-ġdida tirrikonoxxi li l-enerġiji rinnovabbli, b’mod partikolari l-baħar, għadhom ma ġewx żviluppati biżżejjed u jitlob li jingħata l-appoġġ meħtieġ biex jissaħħu, waqt li jitqies li r-reġjuni ultraperiferiċi jistgħu leġittimament jaqdu rwol ta’ tmexxija;

25.

jilqa’ s-sejħa tal-Istati Membri biex fil-liġi nazzjonali tagħhom jinkludu l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija;

26.

jappoġġja l-inizjattiva tal-UE dwar l-enerġija nadifa għall-gżejjer u jħeġġeġ lir-reġjuni ultraperiferiċi, li s-sistemi tal-elettriku tagħhom huma totalment iżolati, biex jaqdu rwol attiv f’dawn ir-reġjuni permezz tan-Netwerk tar-Reġjuni Ultraperiferiċi għall-Enerġija;

27.

f’dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strument speċifiku ġdid, maħsub biex jikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-produzzjoni u l-ħażna tal-enerġiji nodfa;

28.

jindika li r-reġjuni ultraperiferiċi jgawdu minn bijodiversità eċċezzjonali, li tirrappreżenta kważi t-80 % tal-bijodiversità tal-Ewropa, u jagħmlu parti mill-34 sit identifikati bħala essenzjali għall-bilanċ ekoloġiku tal-pjaneta;

29.

jilqa’ l-impenn tar-reġjuni ultraperiferiċi b’rabta mal-ekonomija ċirkolari u jfakkar li t-tranżizzjoni għaliha teħtieġ investimenti kbar, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, l-infrastruttura u l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni;

30.

jilqa’ t-tħabbira li, fil-qafas tal-programm LIFE, qed jiġi propost kapitolu ddedikat għall-ġestjoni tal-iskart fir-reġjuni ultraperiferiċi u l-appoġġ sabiex isiru postijiet ta’ ttestjar għall-proġetti pilota tal-ekonomija ċirkolari, kif ukoll l-intenzjoni li jiġu introdotti dispożizzjonijiet biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment ta’ skart lejn pajjiżi ġirien għat-trattament tiegħu;

31.

ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-kriterji attwali ta’ għażla tal-programm LIFE+ jiġu adattati għaċ-ċirkustanzi tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

32.

jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi appoġġ għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-użu sostenibbli tas-servizzi tal-ekosistema u l-adattament għat-tibdil fil-klima bi programm futur speċifiku applikabbli għar-reġjuni ultraperiferiċi kollha; jirrakkomanda li dan jippermetti l-finanzjament ta’ proġetti fir-reġjuni ultraperiferiċi kollha u jiġu ġestiti b’mod dirett mill-Kummissjoni bi sħab mar-reġjuni;

Il-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs: solidarjetà Ewropea bi strumenti adatti

33.

iqis li l-aġġustamenti ekonomiċi u soċjali li jsiru mir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom ikunu jistgħu jkomplu jistrieħu fuq is-solidarjetà finanzjarja tal-UE, u dan għandu jiġi previst fit-tfassil tal-istrateġija Ewropea l-ġdida għal wara l-2020;

34.

ifakkar li r-REKT jista’ jkun strument adatt biex jissaħħu l-opportunitajiet u l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni fl-iżjed reġjuni remoti bħar-reġjuni ultraperifiċi;

35.

jappoġġja l-inizjattiva biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tar-reġjuni ultraperiferiċi għall-FEIS, permezz ta’ punt ta’ aċċess uniku fi ħdan iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti tal-BEI;

36.

jistieden lill-Kummissjoni biex tkun konsistenti fl-approċċ tagħha lejn l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni ultraperiferiċi u li tqis l-ispeċifiċitajiet tagħhom f’kull linja gwida, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-politiki l-oħra tal-UE;

37.

iqis li l-wirt kulturali ddiversifikat tar-reġjuni ultraperiferiċi u l-industriji kulturali u kreattivi tagħhom jista’ jkollhom impatt ekonomiku akbar mil-lat tal-impjieg u għandhom potenzjal kbir għall-iżvilupp, li huwa affettwat mill-ħlasijiet addizzjonali minħabba l-lokazzjoni remota tagħhom li jillimitaw iċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet u tal-artisti; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-programm ta’ kultura li jmiss tinkludi ass ta’ mobilità fil-livell Ewropew b’miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi;

38.

japprezza l-fatt li r-reġjuni ultraperiferiċi jibbenefikaw mill-ammont massimu ta’ għajnuna għall-mobilità fil-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ, u jemmen li jkun xieraq li dan jinżamm fil-futur; jilqa’ wkoll il-possibbiltà li jiġi estiż għall-pajjiżi terzi;

39.

iqis bħala progress il-ħolqien ta’ għodda li ssegwi l-progress tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-integrazzjoni gradwali tagħhom fis-suq uniku u t-tħabbira li ser jitqiesu l-ħtiġijiet partikolari tal-intrapriżi tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-istrateġiji l-ġodda tal-COSME sabiex tiġi appoġġjata l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom;

L-appoġġ għal tkabbir akbar: il-politiki tal-kompetittività għas-servizz tal-proġetti reġjonali

40.

jenfasizza li l-agrikoltura hija settur vitali għall-ekonomija, l-ambjent, il-ġestjoni tat-territorju u l-użu tar-reġjuni ultraperiferiċi, kif irrikonoxxiet l-UE meta stabbilixxiet trattament speċifiku permezz tal-iskema POSEI u pprevediet derogi speċifiċi fil-PAK, u jitlob li dan jinżamm;

41.

jemmen li ż-żieda tal-liberalizzazzjoni tas-suq agrikolu Ewropew u internazzjonali ta’ prodotti li jaqblu mal-produzzjonijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi qiegħda gradwalment tnaqqas il-kompetittività tagħhom; iqis li hemm bżonn li tiġi prevista żieda tal-allokazzjoni finanzjarja tal-POSEI, apparti raġunijiet strutturali oħra, sabiex jiġu indirizzati dawn is-sitwazzjonijiet eċċezzjonali;

42.

ifakkar lill-Kummissjoni biex fil-ftehimiet kummerċjali nnegozjati ma’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali tinkludi kapitolu speċifiku għal kwalunkwe kwistjoni ta’ interess partikolari għar-reġjuni ultraperiferiċi, kif previst fir-Regolament Nru 228/2013, tat-13 ta’ Marzu 2013, u jirrimarka dwar il-ħtieġa li jiġu inklużi klawżoli ta’ esklużjoni għal prodotti sistematikament sensittivi f’dawn il-ftehimiet;

43.

iqis li huwa neċessarju, fil-kuntest tal-ftehimiet bilaterali ffirmati mal-pajjiżi tal-Amerika Latina dwar l-importazzjoni tal-banana, li jiġi estiż il-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni għal wara l-2020, li t-tħaddim tiegħu jsir awtomatiku u tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta’ din it-tweġiba għal ftehimiet u produzzjonijiet oħra;

44.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex teżamina l-possibbiltà li tingħata għajnuna mill-Istat għall-bini ta’ bastimenti ġodda fir-reġjuni ultraperiferiċi, waqt li tiġi rrispettata s-sostenibbiltà tar-riżorsi, u jqis essenzjali li jiġu adottati miżuri ta’ appoġġ biex ikun possibbli l-finanzjament ta’ bastimenti tas-sajd tradizzjonali u artiġjanali fir-reġjuni ultraperiferiċi, f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-PE tas-27 ta’ April 2017;

45.

ifakkar li s-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, minkejja li għandu potenzjal kbir għat-tkabbir u l-impjieg fir-reġjuni ultraperiferiċi, mhuwiex appoġġjat biżżejjed, u li l-ġestjoni tal-prossimità f’dan is-settur għandha impatt pożittiv dirett fuq is-sostenibbiltà tar-riżorsi;

46.

jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra miżuri speċifiċi, b’mod partikolari skema ta’ kumpens għar-reġjuni ultraperiferiċi, fil-qafas tal-programmi l-ġodda u jiġbed l-attenzjoni lejn it-talba tar-reġjuni biex jerġa’ jitħaddem il-programm indipendenti għall-kumpens tal-ispejjeż addizzjonali, appoġġjat minn regolament, baġit u ġestjoni speċifika, iddedikat biex jappoġġja s-sajd u l-akkwakultura fir-reġjuni ultraperiferiċi;

47.

jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni l-ġdida ma tindirizzax il-politika ta’ koeżjoni li, madankollu, tirrikonoxxiha bħala xprun importanti għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjieg; jispera li l-Kummissjoni tqis kif xieraq lir-reġjuni ultraperiferiċi meta ġġedded din il-politika;

48.

itenni l-appoġġ tiegħu għal politika ta’ koeżjoni għal wara l-2020, imsaħħa, semplifikata u ċċentrata fuq l-għan ewlieni tagħha: li jiġu żgurati l-bilanċ u l-opportunitajiet indaqs fit-territorji kollha ta-UE; għalhekk, għandu jinżamm it-trattament speċifiku tar-reġjuni ultraperiferiċi f’din il-politika;

49.

jiddispjaċih li l-allokazzjoni addizzjonali speċifika tal-FEŻR, essenzjali għar-reġjuni ultraperiferiċi, ma ġietx żviluppata biżżejjed mill-Komunikazzjoni u huwa favur li din tinżamm u tissaħħaħ, peress li l-għan tagħha huwa li ttaffi l-iżvantaġġi strutturali permanenti tar-reġjuni ultraperiferiċi li jillimitaw il-kompetittività u l-iżvilupp;

50.

ifakkar il-pożizzjoni tiegħu li l-istrumenti finanzjarji ma jistgħux jissostitwixxu s-sussidji, li huma essenzjali għall-konverġenza tar-reġjuni ultraperiferiċi fi ħdan l-UE; fi kwalunkwe każ, dawn l-istrumenti m’għandhomx jikkostitwixxu obbligu, iżda sempliċement għażla;

51.

jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma tipprovdix soluzzjonijiet u proposti orjentati lejn il-futur li huma konvinċenti rigward il-problemi li jiffaċċjaw ir-reġjuni ultraperiferiċi fil-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropej, u għalhekk jemmen li hemm bżonn ta’ reviżjoni kumplessiva;

52.

itenni li l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti huma utli u jilqa’ b’sodisfazzjon id-dinamika reċenti ta’ netwerking ta’ dawn l-istrateġiji fost ir-reġjuni ultraperiferiċi;

53.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel ir-reġjuni ultraperiferiċi spazji ta’ sperimentazzjoni, pjattaformi għat-trasferiment tat-teknoloġija u postijiet fejn jiġu ttestjati soluzzjonijiet innovattivi fl-oqsma ta’ eċċellenza;

54.

jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni taħt l-Orizzont 2020 għar-reġjuni ultraperiferiċi u jirrimarka li ser isegwi mill-qrib id-dettalji speċifiċi għal dawn ir-reġjuni li jinbtu minnha fil-programm futur ta’ riċerka tal-UE lil hinn mill-2020;

55.

jindika l-importanza strateġika tal-aċċessibilità (trasport, enerġija u telekomunikazzjoni) għar-reġjuni ultraperiferiċi, li hija essenzjali għall-iżvilupp endoġenu ta’ dawn ir-reġjuni, remoti u iżolati mill-kontinent Ewropew, u sabiex jiġi żgurat trattament indaqs taċ-ċittadini tagħhom;

56.

jilqa’ l-inizjattiva li jitnieda studju biex jiġu identifikati u kkwantifikati aħjar il-ħtiġijiet ta’ konnettività tar-reġjuni ultraperiferiċi, li għandu jqis l-għodod legali u finanzjarji kollha li jaqdu dan l-għan;

57.

jenfasizza l-importanza ta’ reġjuni tal-UE bi sfidi ġeografiċi u demografiċi bħar-reġjuni ultraperiferiċi, u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħti attenzjoni speċifika lill-impatt tal-politiki u l-programmi ta’ mobilità tal-UE fuq dawn ir-reġjuni u tippubblika Green Paper dwar din il-kwistjoni (1);

58.

ifakkar li l-ajruporti u l-portijiet huma l-uniċi bibien ta’ dħul u ħruġ tar-reġjuni ultraperiferiċi u li jaqdu funzjoni soċjali importanti; jilqa’ b’sodisfazzjon il-possibilità li jkun hemm investiment fihom, f’każijiet ġustifikati, u l-possibbiltà li tingħata għajnuna operattiva;

59.

jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fir-reviżjoni tagħha tal-prijoritajiet tat-TEN-T, tinvestiga kif jistgħu jiġu identifikati u inklużi l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, b’mod partikolari fl-awtostradi tal-baħar, u b’hekk jiġu ffaċilitati proġetti li jtejbu l-konnessjonijiet bejnhom u l-Istati Membri jew bejn reġjun ultraperiferiku u t-territorji ġirien fil-baċini ġeografiċi rispettivi tagħhom;

It-tisħiħ tal-attrattività tar-reġjuni ultraperiferiċi u l-promozzjoni tal-viżibbiltà reġjonali u internazzjonali tagħhom

60.

jirrimarka li, sabiex ir-reġjuni ultraperiferiċi jsiru aktar attraenti u tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jkunu viżibbli fiż-żoni rispettivi tagħhom, huwa indispensabbli li tiġi inkluża d-dimensjoni reġjonali tal-baċin ġeografiku fil-politiki kollha tal-UE, u b’hekk tiġi pprovduta koerenza bejn id-dimensjoni interna u esterna tal-istess politiki;

61.

jirrikonoxxi li r-reġjuni ultraperiferiċi, li għandhom potenzjalitajiet li mhumiex sfruttati biżżejjed, jistgħu jinbidlu fi xprun ekonomiku taż-żoni ġeografiċi ġirien rispettivi tagħhom, kif ukoll f’intermedjarju effettiv tal-influwenza tal-UE fid-dinja, b’mod partikolari l-politika ta’ żvilupp tagħha;

62.

ser isegwi mill-qrib l-idea li tressqet biex tiġi analizzata l-possibbiltà li l-investimenti ġodda tal-UE jiġu diretti lejn proġetti prijoritarji fuq skala kbira fil-baċini ġeografiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi u biex tiġi eżaminata l-possibbiltà li jinħolqu programmi konġunti bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi ġirien tagħhom;

63.

jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ qafas strateġiku ambizzjuż u koerenti, imniedi mill-Kummissjoni, biex tiġi promossa l-internazzjonalizzazzjoni tal-ekonomiji ta’ dawn ir-reġjuni;

64.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-importanza li jitlestew il-“valutazzjonijiet tal-impatt territorjali” biex jitfasslu u jiġu diskussi proposti leġislattivi ġodda u ftehimiet kummerċjali internazzjonali; huwa tal-fehma li l-awtoritajiet u l-esperti mir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jiġu involuti sistematikament fl-evalwazzjoni tal-effetti territorjali possibbli tal-inizjattivi Ewropej;

65.

iwissi dwar id-diffikultajiet biex jinkisbu sinerġiji bejn il-FEŻR u l-FEŻ u jaqbel li jeħtieġ li jsir possibbli l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni li jipprovdu struttura b’valur miżjud reali;

Konklużjonijiet

66.

iqis li l-għan li r-reġjuni ultraperiferiċi jitqiesu aħjar fil-politiki u l-inizjattivi Ewropej jibqa’ sfida li għandha tiġi adattata għall-isfidi tal-kostruzzjoni Ewropea;

67.

jinnota li huwa kruċjali li l-Artikolu 349 tat-TFUE jiġi implimentat b’mod sistematiku u komprensiv, sa mill-ewwel stadji tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, sabiex tinkiseb implimentazzjoni adattata għar-realtajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi;

68.

ser isegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni l-ġdida u t-twettiq tal-proposti futuri li jinsabu fiha.

Brussell, il-31 ta’ Jannar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Opinjoni tal-KtR dwar “Il-mobilità fir-reġjuni bi sfidi ġeografiċi u demografiċi” (CdR 1691/2014).


23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/21


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Erasmus għar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti

(2018/C 176/06)

Relatur:

Is-Sur François Decoster (FR/ALDE) Membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Nord-Pas-de-Calais

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

Introduzzjoni u kuntest

1.

jipparteċipa bis-sħiħ fid-dibattitu mniedi mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-White Paper dwar il-ġejjieni tal-Ewropa: Riflessjonijiet u xenarji għall-UE, u jieħu nota tal-proposti li għamel il-President Juncker f’Settembru 2017 matul id-dibattitu dwar l-istat tal-Unjoni;

2.

ifakkar li l-istituzzjonijiet Ewropej għadhom meqjusa bħala mbiegħda u teknokratiċi u li ċ-ċittadini Ewropej mhux dejjem jaraw il-benefiċċji tad-deċiżjonijiet essenzjali Ewropej fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum;

3.

ifakkar li, fil-livell Ewropew, ir-rappreżentanti lokali eletti ġeneralment igawdu livell ogħla ta’ fiduċja min-naħa taċ-ċittadini tagħhom milli jgawdu l-parti l-kbira tal-politiċi nazzjonali;

4.

jinnota li fil-kuntest tal-kriżijiet ġeopolitiċi tal-lum, taż-żieda tar-riskju tat-terroriżmu u tan-negozjati tal-“Brexit”, iċ-ċittadini Ewropej iqisu li l-livell Ewropew huwa livell dejjem aktar adatt għal azzjoni pubblika sabiex jiġu indirizzati l-isfidi komuni tagħna;

5.

jenfasizza li l-isfida ewlenija hija sabiex jitħeġġeġ mhux biss l-għarfien tekniku dwar l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha, iżda wkoll mentalità miftuħa favur il-kooperazzjoni u l-iskambju fi ħdan il-kuntest tal-integrazzjoni Ewropea, li hija bbażata fuq il-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju tas-solidarjetà; dan l-ispirtu Ewropew huwa element ewlieni biex l-integrazzjoni Ewropea tkun tiffunzjona bħala mezz biex tinżamm il-paċi u jinbena futur sostenibbli u ġust għal kulħadd;

6.

jinnota s-suċċess tal-programm Erasmus+, li juri b’mod ġenwin il-politiki Ewropej, li fl-2017 jagħlaq 30 sena u li permezz tiegħu aktar minn 5 miljun ċittadin seta’ jqatta’ perjodu ta’ mobbiltà barra minn pajjiżu u wessa’ u estenda l-pubbliku fil-mira tiegħu: studenti, iżda wkoll studenti tal-iskejjel sekondarji u postsekondarji, apprendisti, għalliema u ħarrieġa, gradwati żgħażagħ, dawk li qed ifittxu impjieg, volontarji, professjonisti mid-dinja tan-negozju u tal-isport;

7.

jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija, fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew, tal-Erasmus għall-apprendisti;

8.

jirrikonoxxi li t-teknoloġiji u l-istili ta’ ħajja qed jiżviluppaw b’rata aktar mgħaġġla u li r-risposti mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi għandhom jikkunsidraw aktar id-dimensjoni umana ta’ dawn l-iżviluppi;

9.

ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ewropa qed jiffaċċjaw sfidi (kriżi ekonomika u finanzjarja, tibdil fil-klima, tibdil demografiku, problemi ambjentali, eċċ) li jeħtieġu azzjonijiet u strateġiji integrati;

10.

jenfasizza li l-governanza f’diversi livelli, l-awtonomija lokali u r-riformi ta’ deċentralizzazzjoni jenfasizzaw ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej u li huwa essenzjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu appoġġjati jiviluppaw ħiliet u kapaċitajiet f’dawn l-oqsma;

11.

jinsisti li dawk kollha involuti fl-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ żvilupp integrat ikunu jistgħu jiksbu l-ħiliet u l-għarfien ġeneriċi u pluridixxiplinari meħtieġa għall-iżvilupp tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

12.

jindika li, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma direttament responsabbli għat-tfassil u l-provvista tas-servizzi pubbliċi u jippruvaw jiżguraw il-prestazzjoni u l-effiċjenza tagħhom filwaqt li jikkunsidraw l-opportunitajiet provduti mill-politiki pubbliċi Ewropej;

L-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa għodod innovattivi ġodda biex tiffaċċja l-isfidi attwali u futuri

13.

jiddeplora l-fatt li fi żmien meta l-UE għaddejja minn perjodu ta’ taqlib kbir, il-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali mhux dejjem jippermettu reattività biżżejjed biex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ taġixxi b’mod effettiv għall-kriżijiet jew l-isfidi l-ġodda;

14.

jistieden lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea jipproponu miżuri biex il-qafas finanzjarju pluriennali jkun iktar allinjat mal-isfidi l-kbar ta’ żminijietna sabiex jiġu indirizzati mill-ewwel il-preokkupazzjonijiet ġodda;

15.

jinsisti dwar il-fatt li l-iskambji transkonfinali u interreġjonali jippermettu t-tisħiħ tar-rabtiet bejn id-diversi programmi u strumenti Ewropej, nazzjonali u reġjonali bil-għan li jitħeġġu l-innovazzjoni, it-tkabbir u l-impjieg;

16.

jirrikonoxxi li t-tweġibiet tal-Unjoni Ewropea huma attwalment irregolati minn regolamenti li ftit li xejn huma adattabbli għall-iżviluppi ġenerali u ċ-ċirkostanzi speċifiċi u għalhekk il-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari permezz tal-White Paper dwar il-ġejjieni tal-Ewropa, tipproponi li tiżviluppa l-istrateġiji, il-politiki u l-azzjonijiet Ewropej;

17.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra iktar il-kapital uman fit-tħejjija tal-qafas pluriennali tal-futur, biex tindirizza aħjar il-ħtiġijiet taċ-ċittadini u l-isfidi l-ġodda ta’ dan is-seklu;

18.

jistieden lill-Presidenzi li jmiss tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkunsidraw aħjar ukoll il-kapital uman fid-definizzjoni tal-programm tagħhom;

Is-sitwazzjoni tar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti f’dan il-kuntest

19.

iqis li l-91 000 awtorità lokali u reġjonali, u b’hekk il-mijiet ta’ eluf ta’ rappreżentanti lokali eletti fl-Unjoni Ewropea, jikkostitwixxu rabta kruċjali bejn iċ-ċittadini u l-Ewropa, u li l-iżvilupp tal-għarfien u l-ħiliet tagħhom fil-qasam tal-politiki Ewropej, u l-iżvilupp ta’ kuntatti ma’ rappreżentanti eletti fi Stati Membri oħra (pajjiżi eliġibbli għall-Programm) u pajjiżi li mhumiex fl-UE u li huma eliġibbli għall-Programm (1), huma elementi essenzjali tal-għanijiet ta’ żvilupp tal-kapital uman u l-integrazzjoni Ewropea;

20.

jinnota li, qabel ma jiġu eletti, ir-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti mhux dejjem jirċievu t-taħriġ kollu neċessarju biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, u li s-sistemi ta’ taħriġ kontinwu huma riżorsi siewja biex jakkumpanjaw lir-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti fit-twettiq effettiv tal-mandat tagħhom; jenfasizza li dan it-taħriġ ma jikkonsistix biss f’li jiġu pprovduti bl-għarfien tekniku adegwat, iżda għandu jippermettilhom jifhmu r-raġunijiet, u l-ispirtu, tal-integrazzjoni Ewropea bil-għan li juru lill-votanti tagħhom għaliex u kif il-proġett Ewropew jista’ jkun ta’ benefiċċju għalihom;

21.

iqis li d-deċiżjonijiet tar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti huma ferm marbuta mal-leġislazzjoni Ewropea meta:

a.

ir-reġjuni b’kompetenzi leġislattivi jipparteċipaw fil-proċess Ewropew tat-teħid tad-deċiżjonijiet billi jieħdu sehem fi gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill u l-Kunsill tal-Ministri miftuħa għall-parteċipazzjoni reġjonali;

b.

jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet Ewropej fil-fażi tal-konsultazzjoni, permezz tat-tweġiba tagħhom għall-konsultazzjonijiet pubbliċi differenti mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea;

c.

jiġu żviluppati rapporti mill-Kumitat tar-Reġjuni fl-oqsma ta’ kompetenza previsti fit-Trattati;

d.

japplikaw direttivi u regolamenti Ewropej f’oqsma varjati ħafna (ilma, skart, mobbiltà, iffrankar tal-enerġija, eċċ);

e.

japplikaw għal fondi Ewropej (FEŻR, FSE, eċċ.);

f.

jippjanaw għajnuna mill-Istat;

g.

jikkooperaw ma’ awtoritajiet ta’ Stati Membri differenti;

L-implimentazzjoni ta’ Erasmus għar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti

22.

jemmen li t-tagħlimiet misluta mill-valutazzjoni tal-azzjoni preparatorja, tal-użu tal-Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali u tal-programmi ta’ skambju bejn il-pari huma sors ta’ informazzjoni li għandu jintuża biex tittejjeb l-esperjenza ta’ tagħlim u ta’ skambju;

23.

jixtieq li jiġu promossi l-iskambji tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, inkluż fl-użu tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-Programm Orizzont 2020 u l-politika ta’ koeżjoni u t-taħlit tagħhom; dan jenfasizza li l-Erasmus għal rappreżentanti eletti lokalment u reġjonalment jista’ jintuża biex jiġu assistiti r-reġjuni li huma inqas żviluppati fl-aspett ekonomiku sabiex iżidu l-kapaċitajiet amministrtattivi tagħhom;

24.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li tikkunsidra aktar il-ħtieġa li tinforma, takkumpanja u tħarreġ lir-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti tal-UE fir-rigward tal-użu effiċjenti tal-fondi Ewropej u l-kooperazzjoni interreġjonali fil-livell tal-UE;

25.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tikkonsulta jew tikkunsidra dawk l-inizjattivi ġodda minn gruppi ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-għan li jittejbu l-politiki attwali tal-UE jew jitnedew inizjattivi Ewropej ġodda;

26.

iqis li l-istituzzjonijiet Ewropej huma parzjalment responsabbli għat-taħriġ bażiku tar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti bil-għan li jkun hemm għarfien aħjar tal-ispirtu tal-integrazzjoni Ewropea kif ukoll tal-politiki, u li l-korpi Ewropej ma jistgħux jibqgħu siekta fil-konfront ta’ din is-sejħa tar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti, speċjalment fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej;

27.

itenni l-appoġġ tiegħu, espress fil-White Paper tal-2009 dwar il-governanza f’diversi livelli, għall-ħolqien ta’ “Erasmus għar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti”, ix-xewqa tiegħu li jikkoopera mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea biex tiġi żgurata definizzjoni kunċettwali u operattiva ta’ dan l-Erasmus, kif ukoll l-appoġġ tiegħu għat-twaqqif ta’ programmi ta’ taħriġ u ta’ skambju ta’ esperjenzi u prattiki tajbin maħsuba għar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti;

28.

ifakkar li fl-2012/2013 tnieda proġett pilota li kellu suċċess kbir b’aktar minn 1 000 applikazzjoni rċevuta għal 100 post disponibbli;

29.

huwa tal-fehma li dan il-proġett pilota jista’ jservi bħala bażi biex jitnieda l-programm, filwaqt li jiġi żgurat li jissaħħaħ it-taħriġ biex jiġi promoss għarfien aħjar tal-istituzzjonijiet Ewropej, tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea filwaqt li jkun hemm eżempji ta’ każijiet prattiċi u ta’ skambji ma’ rappreżentanti lokali eletti oħra u b’hekk ir-rappreżentanti lokali u reġjonali individwali jiġu megħjuna jesperjenzaw huma stess l-ispirtu tal-kooperazzjoni Ewropea sabiex jaqsmu din l-esperjenza maċ-ċittadini tagħhom. Jistgħu jiġu żviluppati wkoll għodod ta’ taħriġ onlajn sabiex titħejja aħjar il-mobbiltà prevista fil-qafas tal-programm;

30.

jenfasizza li l-aspett tal-mobbiltà għandu assolutament jinżamm: diversi studji wrew l-effiċjenza tat-trasferiment tal-għarfien permezz ta’ tagħlim bejn il-pari. Dawn l-iskambji multilaterali bejn ir-rappreżentanti lokali eletti jirrappreżentaw valur miżjud Ewropew ġenwin meta mqabbla mal-kooperazzjoni bilaterali;

31.

iqis li dan il-programm tat-taħriġ jista’ jkun ibbażat ukoll – għalkemm mhux biss –fuq in-netwerk tal-universitajiet u tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni għolja Ewropej (grandes écoles) biex jiġi provdut it-taħriġ għar-rappreżentanti eletti, u li dan imur id f’id mal-involviment tal-postijiet ta’ tifkira li kkontribwixxew għat-taħriġ tal-kultura u l-ispirtu Ewropej;

32.

jixtieq li fi tmiem dan it-taħriġ bażiku, ir-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti jkunu jistgħu jikkooperaw ma’ rappreżentanti eletti ta’ Stati differenti dwar l-istess suġġett sabiex:

a.

jiskambjaw il-prattiki tajba tagħhom;

b.

iżidu l-għarfien tagħhom dwar is-sistemi Ewropej;

c.

joħolqu rabtiet umani kostruttivi;

d.

iniedu inizjattivi lokali u reġjonali ġodda;

e.

isiru ambaxxaturi aktar effettivi tal-benefiċċji tal-kooperazzjoni ma’ persuni minn pajjiżi oħra, u b’hekk jinbena spirtu Ewropew;

33.

huwa tal-fehma li dan l-istrument iservi wkoll biex jiġi kkonsolidat l-ispirtu Ewropew tal-mexxejja lokali u reġjonali u jħeġġeġ il-ħolqien ta’ kuxjenza Ewropea fost il-gvernijiet lokali u reġjonali;

34.

iqis li tali sistema għandha tiġi ttestjata, u emendata skont it-tagħlimiet misluta mill-proġett pilota, matul l-2018, l-2019 u l-2020 biex imbagħad tkun tista’ tiġi integrata fl-ipprogrammar il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, u fejn meħtieġ fuq bażi legali differenti u, jekk ikun hemm bżonn, bil-ħolqien ta’ programm Erasmus għar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti jew għall-atturi lokali u reġjonali;

35.

jenfasizza li l-programm għandu jkun iddisinjat b’tali mod li kemm il-politiċi full-time kif ukoll dawk part-time ikunu jistgħu jieħdu sehem, kif ukoll dawk li jokkupaw karigi maniġerjali ta’ natura iżjed teknika, u għandu jinstab bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa u bilanċ territorjali, biex b’hekk jiġi żgurat il-kontribut tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ta’ kull skala u daqs tal-popolazzjoni;

36.

jistieden lill-Kummissjoni tipproponi skema sperimentali waħda jew aktar, b’effett qawwi ta’ lieva, filwaqt li jinsiltu tagħlimiet mill-proġett pilota tal-2012 sabiex jittejjeb il-programm il-ġdid u b’hekk jiżdiedu t-tagħlim u l-esperjenza tar-rappreżentanti lokali eletti dwar l-Unjoni Ewropea u l-politiki tagħha;

37.

jikkunsidra li l-ispejjeż jistgħu jinqasmu bejn il-baġits tal-Unjoni Ewropea, tal-awtoritajiet tal-oriġini tar-rappreżentanti eletti li jkunu qed jipparteċipaw u, fejn meħtieġ, tal-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ li jibbenefikaw minn fondi pubbliċi f’ċerti Stati Membri;

38.

jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw din l-inizjattiva li ser tibbenefika liċ-ċittadini tagħhom partikolarment permezz ta’ għarfien aħjar tal-politiki, il-ħajja ta’ kuljum tal-awtoritajiet lokali fi Stati Membri oħrajn u tal-fondi Ewropej u l-implimentazzjoni konkreta tagħhom kif ukoll billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri;

39.

jipproponi lill-Parlament Ewropew biex jappoġġja, kif għamel fl-2012, il-programm Erasmus għar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti, permezz ta’ azzjonijiet differenti (rapporti, konferenzi, eċċ.) u, b’mod partikolari, billi, fl-2018, jipproponi l-inklużjoni ta’ proġett pilota fil-qafas tal-proċedura baġitarja biex jiġi implimentat fl-2019;

40.

jenfasizza li l-ħolqien ta’ programm Erasmus għar-rappreżentanti eletti lokali u reġjonali jista’ jseħħ biss permezz tal-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji addizzjonali, mingħajr bl-ebda mod ma jiġi penalizzat il-baġit tal-programm Erasums+;

41.

ser jingħaqad bis-sħiħ fit-twaqqif ta’ tali programm billi jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-fajl ta’ applikazzjonijiet tar-rappreżentanti eletti parteċipanti, billi jxandar is-sejħa għal espressjoni ta’ interess, billi jorganizza modulu matul il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet u jikkontribwixxi għad-definizzjoni ta’ modulu wieħed jew aktar ta’ taħriġ onlajn;

42.

jitlob li jinħoloq mill-aktar fis grupp ta’ ħidma, li jlaqqa’ rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni, għat-tfassil u t-tħejjija ta’ dan il-programm.

Brussell, il-31 ta’ Jannar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/programme-guide/part-a/who-can-participate/eligible-countries_mt.


23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/25


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-promozzjoni ta’ koeżistenza ma’ speċijiet f’kunflitt fi ħdan il-qafas tad-Direttivi tal-UE dwar in-Natura

(2018/C 176/07)

Relatur:

Is-Sur Borboly (RO/PPE), President tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Harghita

Dokument ta’ referenza:

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-bijodiversità, in-netwerk tan-Natura 2000 u l-ħarsien tal-ispeċijiet huma kwistjoni ta’ interess komuni fl-Ewropa, li tikkonċerna l-Istati Membri, ir-reġjuni, u l-awtoritajiet lokali kollha, u jqis għaldaqstant importanti ħafna li titkompla u tiġi żviluppata aktar il-prattika fis-seħħ, li permezz tagħha l-Istati Membri u r-reġjuni kif ukoll l-awtoritajiet lokali jadottaw miżuri koordinati biex jiksbu l-objettivi stabbiliti u joħolqu benefiċċji kondiviżi, b’konformità mal-prinċipji tas-solidarjetà u s-sussidjarjetà;

2.

itenni l-pożizzjoni li kien esprima fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar il-kontroll tal-idoneità tad-Direttivi dwar in-Natura, pożizzjoni kondiviża mill-Parlament Ewropew ukoll, li skontha m’hemmx bżonn li jiġu riveduti d-Direttivi dwar in-Natura iżda pjuttost għandha ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni xierqa tagħhom, konformi mal-aħħar progress tekniku u xjentifiku, madwar id-diversi reġjuni u Stati Membri tal-UE, billi jittieħed vantaġġ mill-flessibbiltà pprovduta fi ħdan id-direttivi sabiex jiġi indirizzat tħassib lokali speċifiku fir-rigward ta’ kunflitti li jistgħu jinqalgħu bejn speċijiet partikolari u l-attività tal-bniedem; għalhekk jieħu l-impenn li jikkontribwixxi għall-Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija li jiżgura sforzi adatti wkoll għall-promozzjoni tal-koeżistenza mal-ispeċijiet f’kunflitt fl-azzjonijiet rilevanti fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali wkoll;

3.

jenfasizza l-importanza kruċjali tad-Direttivi, peress li n-netwerk tan-Natura 2000 u l-koordinazzjoni effettiva tal-politika għall-ħarsien tal-ambjent ikkontribwew għal armonizzazzjoni tal-objettivi relatati mal-bijodiversità bejn l-Istati Membri, u dan juri biċ-ċar il-valur miżjud tal-Unjoni Ewropea;

4.

ifakkar fir-responsabbiltà tal-Istati Membri biex isibu s-soluzzjonijiet xierqa fit-territorji tagħhom u fi ħdan il-qafas u fl-ispirtu tad-direttivi biex jitqiesu sitwazzjonijiet speċifiċi f’reġjuni differenti, fir-rigward ta’ speċijiet individwali u problemi partikolari, billi jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll il-partijiet interessati l-oħrajn kollha fil-proċess;

5.

jinnota li ħafna mill-problemi relatati mal-koabitazzjoni bejn il-bnedmin u l-“ispeċijiet f’kunflitt” jistgħu jiġu kkawżati mill-pressjoni tal-attività tal-bniedem fuq il-ħabitats naturali ta’ bosta speċijiet, u spiss minħabba l-imġiba tal-bniedem inadatta fir-rigward ta’ dawn l-annimali, li tvarja minn attivitajiet invażivi f’żoni protetti sal-immansar għall-kaċċa jew it-turiżmu, jew il-ġestjoni inadegwata tal-iskart li pereżempju tattira l-karnivori kbar lejn iż-żoni abitati mill-bniedem; jenfasizza, għalhekk, il-bżonn li jiġi adottat approċċ olistiku għall-bijodiversità u l-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet għal problemi speċifiċi adatti għall-kuntesti lokali, li min-naħa tagħhom jirrikjedu kooperazzjoni mill-qrib bejn il-livelli differenti ta’ governanza u l-partijiet interessati rilevanti kollha;

6.

jittama li waqt it-tħejjija tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss jiġu previsti riżorsi adatti sabiex jiġi żgurat finanzjament tal-protezzjoni, il-prevenzjoni (inkluż is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni ambjentali), ta’ miżuri kompensatorji, tar-riċerka u ta’ inizjattivi speċifiċi favur l-iżvilupp fl-oqsma ta’ politika differenti kkonċernati, u taħt il-Fondi rilevanti tal-UE;

7.

itenni li huwa fl-interess tal-livelli territorjali kollha tal-Unjoni Ewropea li tittejjeb il-qagħda tal-bijodiversità, u minn dan toħroġ il-ħtieġa li jitniedu miżuri kkoordinati;

8.

jiġbed l-attenzjoni lejn it-titjib kwantitattiv u kwalitattiv tal-bijodiversità f’bosta reġjuni, kif ukoll iż-żieda konkomitanti tal-probabbiltà ta’ interazzjonijiet mal-komunitajiet umani. Fil-każ ta’ xi speċijiet meqjusa f’kunflitt, dawn l-interazzjonijiet jistgħu jinvolvu riskji kbar għall-persuni u għall-attivitajiet ekonomiċi, jekk il-komunitajiet lokali ma jkunux imħejjija sew jew ma tkun ġiet proposta l-ebda soluzzjoni adegwata, realistika, proporzjonata u adattata għall-ispeċifiċitajiet lokali biex jimmaniġġjaw dawn il-problemi;

Lejn implimentazzjoni aktar effikaċi

9.

fir-rigward ta’ dawk definiti bħala speċijiet f’kunflitt, jiġifieri dawk li minħabba l-bijoloġija u l-etoloġija tagħhom ikunu f’kompetizzjoni ma’ diversi attivitajiet tal-bniedem għall-użu tar-riżorsi u l-ispazju komuni, jappella għal miżuri ġodda, ibbażati fuq data xjentifika u li jistgħu jintużaw meta jitfasslu l-modalitajiet adegwati ta’ applikazzjoni tad-Direttivi u diversi tipi ta’ miżuri oħrajn;

10.

iqis li huwa indispensabbli li, fir-rigward tal-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-implimentazzjoni tad-direttivi, jiġu pprovduti fondi għal riċerka multidixxiplinari u komprensiva, li fil-qafas tagħha x-xjenzi soċjali jista’ jkollhom rwol importanti flimkien max-xjenzi naturali speċifiċi f’dan il-qasam;

11.

jenfasizza li l-komunitajiet lokali u reġjonali huma, minn tliet aspetti fundamentali, atturi ewlenin fir-rigward tal-ħarsien tal-ambjent u l-konservazzjoni tal-bijodiversità: l-ewwel nett bħala dawk li jagħtu bidu lill-investimenti li jsiru bil-fondi tal-Istati Membri u l-Fondi SIE, u t-tieni, bħala awtoritajiet pubbliċi tar-regolamentazzjoni jew korpi nkarigati mill-għoti ta’ permessi fis-settur agrikolu u għall-ippjanar territorjali u urban, għaldaqstant kapaċi jinfluwenzaw b’mod konsiderevoli l-użu tal-art u jagħtu prijorità lill-aspetti ambjentali; it-tielet, il-korpi lokali u reġjonali jinsabu fl-eqreb prossimità mar-residenti lokali u jaqdu funzjoni importanti billi jipprovdulhom informazzjoni, inċentivi u appoġġ fir-rigward tal-protezzjoni ta’ ħabitats u speċijiet f’kunflitt;

12.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tkompli u żżid l-isforzi fil-qasam tat-trasferiment tal-għarfien sabiex tappoġġja soluzzjonijiet, fil-livell lokali u reġjonali, dwar kif wieħed jista’ jgħix mal-ispeċijiet f’kunflitt, u fejn hu possibbli, li tibdel problemi potenzjali f’vantaġġi; dan għandu jinkludi l-promozzjoni tal-aqwa prattiki dwar soluzzjonijiet aktar adatti għall-ġestjoni taż-żoni rilevanti tan-Natura 2000 u l-ispeċijiet protetti; l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-partijiet interessati rilevanti, mgħammra b’għarfien prattiku mill-proġetti rilevanti li jimplimentaw madwar l-Ewropa, jeħtieġ jitqiesu bħala msieħba importanti fil-qasam tat-trasferiment tal-għarfien;

13.

jinsab imħasseb dwar il-fatt li, f’diversi Stati Membri, wieħed jista’ josserva l-oppożizzjoni tal-komunitajiet lokali għar-ritorn, il-preżenza u l-espansjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet f’kunflitt. Fil-fatt, soluzzjonijiet mhux adatti għall-kunflitti u soluzzjonijiet ta’ ġestjoni ħżiena, inopportuni jew mhux ikkomunikati sew, skont il-każ, jistgħu jwasslu għal rifjut tal-politika ambjentali, li jista’ jwassal, b’mod partikolari f’ċerti reġjuni li għandhom predaturi kbar, b’żieda fil-kaċċa illegali, l-insib u l-avvelenament, prattika kompletament kundannabbli, li ma tistax titreġġa’ lura sempliċement bl-introduzzjoni ta’ projbizzjonijiet u sanzjonijiet;

14.

jinnota l-eżistenza, f’bosta Stati Membri, ta’ prattiki eċċellenti lokali u reġjonali ta’ koeżistenza mal-ispeċijiet f’kunflitt, u b’mod partikolari mal-karnivori kbar, u jemmen li huwa proprju għalhekk li jeħtieġ li ninsistu fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati proġetti lokali u reġjonali ispirati minn dawn l-eżempji; jirrimarka li, minbarra dawn l-inizjattivi pubbliċi jew privati lokali, reġjonali, jew nazzjonali, il-proġetti LIFE jistgħu wkoll jipprovdu prattiki ġodda, jekk ikunu sostnuti u jitkomplew wara li jintemm il-proġett;

15.

jittama li matul l-iżvilupp tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, l-attivitajiet li jolqtu l-ispeċijiet protetti, il-wirt Ewropew komuni tagħna u b’mod partikolari l-investimenti u l-inizjattivi relatati mal-ispeċitajiet karnivori kbar u dawk f’kunflitt – li huma effettivi, effikaċi, li jikkunsidraw ukoll l-interessi tal-komunitajiet – ser jiġu kkunsidrati b’mod adatt fil-kontinwazzjoni tal-programm Orizzont 2020 kif ukoll tal-mekkaniżmu li ser ikun is-suċċessur tal-Fondi SIE;

16.

jassigura lill-Kummissjoni Ewropea rigward l-appoġġ tiegħu mingħajr riżerva għall-ħolqien futur ta’ pjattaformi speċifiċi għar-reġjuni bijoġeografiċi, u jinsisti fuq il-fatt li l-parteċipazzjoni diretta tal-awtoritajiet lokali u reġjonali hija indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tagħhom;

Riċerka u żvilupp ta’ inizjattivi ġodda

17.

jenfasizza l-ħtieġa li, fil-qafas tal-proċeduri ta’ għażla ta’ studji, issir enfasi partikolari fuq il-proċessi ta’ riċerka u żvilupp li jippromovu l-għanijiet relatati mal-bijodiversità, l-objettivi ekonomiċi, soċjali u dawk dwar il-ġestjoni tal-fawna selvaġġa, u li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ applikazzjoni konkreta u rapida;

18.

jemmen li jeħtieġ li jiġi żgurat li, fil-qafas tal-implimentazzjoni lokali u reġjonali tal-proċessi tar-riċerka u l-iżvilupp, tiġi evitata l-okkorrenza ta’ diskrepanzi inkluża sottorappreżentanza, fl-aċċess għall-fondi ta’ riċerka għar-reġjuni u l-lokalitajiet fejn jinsabu ż-żoni ta’ valur naturali għoli u l-ħabitats importanti iżda li huma inqas żviluppati;

19.

jixtieq jikkjarifika li d-diversi proġetti pilota relatati mal-bijodiversità kkontribwew b’mod sinifikanti għat-trasferiment tal-għarfien bejn l-Istati Membri u, f’ħafna każijiet, iġġeneraw effetti pożittivi billi ħadmu favur fehim u approprjazzjoni aħjar tad-diversi għanijiet mill-komunitajiet lokali, u għaldaqstant, biex dawn il-komunitajiet jikkollaboraw b’mod konkret mal-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi għall-protezzjoni tal-ispeċijiet mhedda u ta’ valur;

20.

madankollu jenfasizza li, f’ħafna każijiet, dawn l-inizjattivi ma jiġux sostnuti, jiġifieri jibqgħu inizjattivi lokalizzati u temporanji; għaldaqstant iqis li huwa importanti li fil-proċess ta’ għażla ta’ dawn il-proġetti jiġi introdott l-użu ta’ kriterju li jikkunsidra s-segwitu prattiku ta’ proġetti li jkunu ġew implimentanti preċedentement mill-organizzazzjoni kkonċernata jew mill-membri tagħha, li jippromovi użu effiċjenti tal-fondi Ewropej;

21.

iqis li jeħtieġ li jittieħdu miżuri ġodda biex fil-komunitajiet lokali jiġi promoss l-iżvilupp effettiv ta’ esternalitajiet pożittivi ta’ spiss imsemmija b’rabta mal-bijodiversità u l-predaturi kbar, minħabba li, f’ħafna każijiet, dawn il-possibbiltajiet għadhom ma jintużawx biżżejjed jew ikun hemm nuqqas tal-kundizzjonijiet relatati, b’mod partikolari t-tagħrif u l-għajnuna meħtieġa;

Aspetti speċifiċi relatati mal-predaturi kbar

22.

iqis li, fir-rigward tal-karnivori kbar li, minħabba l-imġiba tagħhom, il-karatteristiċi fiżiċi u ekoloġiċi u l-istinti tagħhom, jistgħu jikkawżaw ħsara sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew saħansitra jikkawżaw korrimenti fatali, u li jqiegħdu f’periklu sostanzjali s-saħħa u l-benesseri tal-bhejjem, l-approċċ li ttieħed s’issa f’xi reġjuni mhuwiex sodisfaċenti, u li jeħtieġ li tittejjeb il-ġestjoni tal-kunflitti assoċjati mal-karnivori kbar billi jiġu sfruttati bis-sħiħ l-esperjenzi rilevanti mill-proġetti ta’ riċerka u żvilupp kif ukoll minn proġetti rilevanti oħra, bil-għan li jitnaqqas l-impatt u r-riskju għall-bnedmin u l-annimali;

23.

iqis li, skont il-livell ta’ protezzjoni tiegħu, karnivoru kbir għandu jiġi protett lil hinn miż-żoni abitati mill-bniedem, sew jekk jgħix ġewwa kif ukoll barra ż-żona ta’ protezzjoni tan-netwerk Natura 2000; iqis madankollu li, jekk karnovori kbar jidħlu b’mod regolari u mhux okkażjonali fiż-żoni abitati mill-bniedem, din tkun imġiba li, minn naħa, tirrappreżenta riskju għall-bnedmin (b’mod partikolari għat-tfal u l-persuni avvanzati fl-età kif ukoll għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa) u, min-naħa l-oħra, ma tistax titqies bħala naturali għall-ispeċi f’kunflitt ikkonċernata; f’dan il-każ iqis li, minn naħa, jeħtieġ li jittieħdu l-isforzi kollha biex jitnaqqas ir-riskju u jekk inevitabbli, min-naħa l-oħra, titneħħa “l-ispeċi f’kunflitt” b’mod adatt u kontrollabbli, jew jittieħdu miżuri neċessarji oħra; dawn il-miżuri jridu jittieħdu skont il-pjani ta’ ġestjoni relevanti fejn jeżistu. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-pjani ta’ ġestjoni jkunu stabbiliti kullimkien biex jirregolaw kemm il-konservazzjoni kif ukoll il-kunflitti. Fi kwalunkwe każ, il-miżuri kontra “l-ispeċijiet f’kunflitt” għandhom jibqgħu ta’ natura eċċezzjonali u ma għandhomx jaffettwaw il-futur u l-vijabbiltà tal-popolazzjoni;

24.

jiddeplora l-fatt li bħalissa l-produtturi agrikoli u dawk li jrabbu l-bhejjem ma jipparteċipawx fl-attivitajiet tal-pjattaforma ddedikata għall-predaturi kbar Ewropej, u li għalhekk, ir-rappreżentanza tal-interessi partikolari ta’ dan il-grupp ta’ partijiet ikkonċernati ma tistax issir b’mod dirett fil-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni implimentat mill-Kummissjoni Ewropea; għaldaqstant jistieden lill-atturi kkonċernati juru li huma miftuħa għal soluzzjoni ta’ kompromess f’dan ir-rigward sabiex, b’mod konġunt u fl-iqsar żmien possibbli, jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex l-interessi kollha jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati fi ħdan il-pjattaforma;

L-aspetti reġjonali u lokali fil-kuntest tal-bijodiversità

25.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kwalità u l-firxa tal-ħabitats tal-predaturi kbar f’bosta reġjuni qed juru tendenza ta’ titjib, li madankollu – flimkien mal-fatturi agrikoli – tmur id f’id ma’ tnaqqis ta’ ċerti forom agrikoli tradizzjonali; jispeċifika li, b’mod partikolari fil-każ tal-bwar u l-mergħat tal-muntanji, ħafna ħabitats oħra, inklużi żoni ta’ protezzjoni ornitoloġika u żoni ta’ komunitajiet ta’ speċi ta’ pjanti, għandhom tendenza jgħibu b’mod parallel mal-għajbien tal-attività umana meħtieġa għall-eżistenza tagħhom;

26.

iqis li, fir-rigward tal-ħabitats u l-forom tal-agrikoltura li huma marbuta magħhom, jeħtieġ li jiġu introdotti inċentivi ġodda u li jkunu aċċessibbli għall-operaturi mhux biss f’żoni b’kuntatt dirett man-netwerk Natura 2000, iżda anke f’oqsma relatati, peress li dawn il-forom ta’ agrikoltura, partikolarment il-forom tradizzjonali, li fil-biċċa l-kbira huma estensivi u jikkunsidraw ukoll l-ispeċifiċitajiet lokali, jikkontribwixxu bil-kbir għat-titjib tal-bijodiversità u tal-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi tali inċentivi ġodda u metodi ta’ aġġustament possibbli fil-valutazzjoni tal-impatt li jmiss tagħha tal-Politika Agrikola Komuni dwar il-bijodiversità;

27.

jagħraf li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jieħdu aktar miżuri li jkunu aktar effikaċi biex jiksbu l-objettivi relatati mal-bijodiversità; madankollu jqis li jkun utli li jissaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mal-Istati Membri u l-Unjoni sabiex jinxteħet dawl fuq il-potenzjal tal-possibbiltajiet li joffri l-impenn tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għal liema jinħtieġ qafas adatt;

28.

jitlob li l-Istati Membri, iżda l-ewwel u qabel kollox l-awtoritajiet lokali u reġjonali, jibbenefikaw mill-assistenza teknika pprovduta mill-aġenziji tal-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw il-programmi kofinanzjati tagħhom stess permezz ta’ fondi nazzjonali u/jew Ewropej;

29.

iqis li huwa indispensabbli li tiġi żgurata rappreżentanza diretta tal-kaċċaturi, il-gwardjani tal-kaċċa, il-forestiera u r-raħħala li jrabbu l-bhejjem fil-proċessi ta’ komunikazzjoni marbuta mal-bijodiversità u ta’ tfassil ta’ pjani ta’ azzjoni, peress li, għal ħafna speċijiet prezzjużi jew protetti, huwa proprju dawn li għandhom rwol importanti biex tiġi stabbilita u tinżamm is-sitwazzjoni attwali, meqjusa bħala naturali, filwaqt li jieħdu ħsieb l-istokkijiet billi jirregolawhom, jorganizzaw u jistrutturaw il-foresti kif ukoll jużaw l-infrastruttura meħtieġa;

30.

jistieden lill-Istati Membri biex japplikaw l-eċċezzjonijiet u d-derogi li jinsabu fid-Direttiva ambjentali għal ċerti speċijiet li jistgħu jikkawżaw il-kunflitti bir-rapidità u l-flessibbiltà meħtieġa u jagħtu l-attenzjoni dovuta lis-sitwazzjoni fil-livell reġjonali jew lokali, u fejn meħtieġ f’kooperazzjoni mal-Istati Membri/reġjuni l-oħra fil-viċinat, u li l-proġetti reġjonali u nazzjonali fir-rigward tal-predaturi kbar u l-ispeċijiet f’kunflitt għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni għall-ispeċifiċitajiet, it-tradizzjonijiet u l-wirt naturali u kulturali lokali u reġjonali;

Il-koerenza bejn il-politiki

31.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sistemi ta’ pagamenti relatati maż-żoni tan-Natura 2000 ivarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor, u jinnota li f’ċerti Stati Membri ġie deċiż li, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni dawn il-pagamenti ma jiġux introdotti avolja jgħixu fihom popolazzjonijiet sinifikanti ta’ predaturi kbar; iqis li, f’dan il-qasam, jeħtieġ li jittieħdu miżuri sa mill-perjodu ta’ programmazzjoni attwali;

32.

jipproponi li, waqt l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi tat-trasport, b’mod partikolari dawk bit-triq u ferrovjarji, tingħata attenzjoni partikolari lill-interkonnessjonijiet bejn il-ħabitats u l-kuriduri li jieħdu l-karnivori kbar, minħabba l-frammentazzjoni dejjem tikber tal-ħabitats minħabba l-mod kif inhu diviż il-pajsaġġ Ewropew u t-taqsim partikolari tiegħu, il-predaturi kbar ta’ spiss ikunu sfurzati, kemm individwalment kif ukoll fi gruppi, jaqsmu minn żoni użati jew popolati mill-bniedem bil-għan li jiċċaqalqu bejn il-partijiet differenti tal-ħabitats tagħhom. Din is-sitwazzjoni teħtieġ attenzjoni partikolari fuq il-livell ta’ ppjanar dwar l-użu tal-art u d-disinn tal-ġestjoni ta’ siti protetti u żoni ġirien;

33.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex ifasslu skemi ta’ finanzjament b’mod aktar effettiv biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet relatati mal-bijodiversità u l-ġestjoni tal-ħabitats inkluż ta’ karnivori kbar, sabiex jiġi żgurat li jistgħu jiġu żviluppati l-infrastruttura u l-kapital uman meħtieġa għall-ġestjoni ta’ kunflitti bejn il-bnedmin u ċerti speċijiet u sabiex ikun provdut mezz rapidu u sempliċi ta’ kumpens.

34.

għaldaqstant jeħtieġ li sakemm ikun possibbli jiġi applikat b’suċċess il-mudell ta’ governanza f’diversi livelli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u b’mod partikolari fit-titjib tal-bijodiversità; għaldaqstant iqis li jinħtieġu miżuri ġodda kkoordinati f’dan il-qasam ukoll;

Il-passi li jmiss

35.

jipproponi li fl-2019 tiġi organizzata b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea konferenza dwar it-tema ta’ koeżistenza xierqa mal-ispeċijiet f’kunflitt u b’mod partikolari mal-predaturi kbar u li tkun ukoll sigura u utli għall-komunitajiet, bil-għan li jiġi promoss l-involviment bl-aktar mod konxju u wiesgħa possibbli tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Din tkun tippermetti li jiġi evalwat l-impatt tal-Opinjoni fuq inizjattiva proprja kif ukoll il-funzjonament tal-pjattaformi relatati mar-reġjuni Ewropej u bijoġeografiċi u li jkun hemm diskussjoni politika u xjentifika dwar il-miżuri konkreti li għandhom jiġu applikati lil hinn mill-2021;

36.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel dak li huwa meħtieġ biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet u r-rappreżentanti tagħhom ikunu direttament irrappreżentati u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv u effikaċi fl-implimentazzjoni tal-pjattaformi u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fir-rigward tal-ispeċijiet f’kunflitt kif ukoll fit-tfassil tal-politiki f’dan ir-rigward; jitlob li tippubblika rakkomandazzjonijiet u linji gwida f’dan ir-rigward sabiex tgħin ukoll lill-Istati Membri jiskambjaw il-prattiki tajba;

37.

jikkunsidra utli li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kkonċernati mill-kwistjoni tal-predaturi kbar jistabbilixxu kooperazzjoni f’għamla ta’ Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) sa mill-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, f’kuntest makroreġjonali jew ta’ reġjun bijoġeografiku, jew f’forma miftuħa għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġu indirizzati l-isfidi komuni jew simili, u li jaġixxu b’mod aktar effettiv u koordinat.

Brussell, il-31 ta’ Jannar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/29


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Suq Uniku Diġitali: Rieżami ta’ nofs it-terminu

(2018/C 176/08)

Relatur:

Alin-Adrian NICA (RO/ALDE), Sindku ta’ Dudeștii Noi

Dokumenti ta’ referenza:

Analiżi ta’ nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali – Suq Uniku Diġitali Konness għal kulħadd

COM(2017) 228 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea li, f’nofs l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, impenjat ruħha li tirrapporta dwar il-progress tagħha, f’inizjattiva li hija estremament utli biex jiġi identifikat il-progress li sar s’issa u jiġu identifikati l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jiġu rispettati l-impenji li ttieħdu u l-oqsma li jeħtieġu aktar sforz u aktar miżuri;

2.

jerġa’ jafferma l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u r-rwol li jaqdu sabiex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, minħabba li huma jirrappreżentaw l-ixprun tat-tkabbir ekonomiku fil-livell lokali u reġjonali u jistgħu jiġġeneraw, jużaw u jġestixxu bosta prodotti u servizzi diġitali;

3.

ifakkar fl-appoġġ għall-iżvilupp tal-komunikazzjoni elettronika fis-suq intern, bil-għan li jitħeġġeġ tkabbir dinamiku u sostenibbli fis-setturi kollha tal-ekonomija u, f’dan il-kuntest, jenfasizza r-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-potenzjal tagħhom għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea;

4.

josserva li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti biex jipprovdu servizzi diġitali liċ-ċittadini u biex jinstallaw u jġestixxu l-infrastruttura diġitali, spiss f’kuntest ta’ kooperazzjoni transkonfinali jew interreġjonali; dawn is-servizzi jirrikjedu miżuri immedjati, sabiex isegwu modifiki bbilanċjati f’dak li għandu x’jaqsam mal-ostakli għal attività transkonfinali onlajn, inklużi d-differenzi li jeżistu bejn il-leġislazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-amministrazzjoni, ta’ kuntratti u d-drittijiet tal-awtur (1);

5.

jirrakkomanda li jinħolqu l-kundizzjonijiet adatti li jiffaċilitaw il-konnessjoni taż-żoni ġeografiċi kollha għas-servizzi tal-broadband li, fuq perjodu twil ta’ żmien, ser ikunu effettivi f’ambjent kompetittiv, u jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tirrapporta regolarment, fil-kuntest tal-ikkompletar tas-suq uniku diġitali, dwar il-progress li jsir biex jingħalaq id-distakk diġitali, speċjalment fil-livell reġjonali u lokali (2);

6.

jenfasizza l-importanza li jiġu koperti l-aspetti kollha tal-interoperabbiltà u l-identifikazzjoni elettronika, il-firma elettronika, il-ġestjoni elettronika tad-dokumenti u aspetti oħrajn tal-governanza elettronika, abbażi tal-mudelli applikati f’pajjiżi/reġjuni li wrew progress kbir f’dan il-qasam, u b’hekk jiġu żgurati s-sigurtà u l-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji;

7.

jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà hija opportunità għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, b’mod partikolari fir-reġjuni remoti u fir-reġjuni bi sfidi demografiċi;

8.

jappoġġja li jiġi modernizzat il-qafas legali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, fid-dawl tar-rivoluzzjoni diġitali u l-bidla fl-imġiba tal-konsumaturi u jinsisti fuq ir-rwol ewlieni li jistgħu jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-potenzjal tagħhom għall-armonizzazzjoni ta’ dawn id-drittijiet;

9.

jafferma mill-ġdid l-importanza ta’ investiment fir-riċerka tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) sabiex jiġu żgurati l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ negozji ġodda u jinnota li l-użu tal-ICT fl-innovazzjoni jista’ jindirizza sfidi soċjoekonomiċi ewlenin (3);

10.

jipproponi li tiġi kkunsidrata l-opportunità li tiġi applikata sistema ta’ tassazzjoni fuq id-dħul minn bejgħ onlajn transkonfinali, ibbażata fuq l-ekwità u l-oġġettività, li twassal sabiex jintlaħaq livell uniformi ta’ taxxi mħallsa mill-intrapriżi li jwettqu attivitajiet relatati mal-kummerċ elettroniku fit-territorju kollu tal-UE, u b’hekk jiġu stimolati l-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi, b’mod partikolari dawk tal-SMEs;

Iċ-ċibersigurtà u t-titjib tal-mezzi kontra l-inċidenti ta’ ċibersigurtà

11.

jenfasizza li l-istrateġija l-ġdida taċ-ċibersigurtà mnedija mill-Kummissjoni Ewropea għandha tgħin biex jittejbu l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u r-rispons għall-inċidenti ċibernetiċi u, għal dawk l-iżjed serji, jittrawwem skambju aħjar tal-informazzjoni u koordinazzjoni iżjed effettiva bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Sabiex issir din il-ħidma, jinħtieġ li s-sħubijiet bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili isaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom (4);

12.

jappella biex jiġu żviluppati regoli, strumenti u mekkaniżmi li jiżguraw is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni u jkunu kapaċi jlaħħqu mal-pass mgħaġġel tal-iżvilupp fit-theddid ċibernetiku, bil-ħsieb li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni fl-Istati Membri kollha;

13.

jenfasizza li l-vulnerabbiltajiet tas-sigurtà fil-ħżin u l-aċċess tad-data u għadd dejjem jiżdied ta’ attakki ċibernetiċi fuq infrastruttura urbana importanti u fuq sistemi tal-ġestjoni tal-belt isejħu għal sett usa’ ta’ interventi sistemiċi u koordinati li jkopru l-mitigazzjoni, il-prevenzjoni, u jiżguraw l-implimentazzjoni kemm permezz ta’ inizjattivi mmexxija mis-suq u kif ukoll regolamentazzjoni mmexxija mill-gvern u l-infurzar. Taħriġ avvanzat tas-sigurtà għandu jiġi żviluppat u implimentat ukoll fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, inkluż dawk involuti fl-akkwist elettroniku, fit-tnedija u fit-tħaddim ta’ kuljum tat-teknoloġiji tal-bliet intelliġenti;

14.

jinnota li sabiex jintlaħqu l-miri tas-suq uniku diġitali jeħtieġ li l-valuri, is-soċjetà u l-ekonomiji nazzjonali jkunu protetti kontra l-effetti negattivi ta’ attakki ċibernetiċi u li jiġu rispettati l-valuri fundamentali, bħal-libertà tal-espressjoni, id-dritt għal ħajja privata u l-promozzjoni tal-użu miftuħ, ħieles u trasparenti taċ-ċiberteknoloġiji;

15.

jagħraf il-periklu li jirrappreżentaw l-inċidenti ċibernetiċi transkonfinali, li attwalment qed jevolvu b’pass allarmanti f’termini ta’ frekwenza u tal-livell ta’ riskju li dawn jippreżentaw. Minħabba li dawn it-theddidiet fil-post tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni jistgħu jimpedixxu l-funzjonament tal-attivitajiet ekonomiċi u joħolqu telf finanzjarju konsiderevoli, li jdgħajjef il-fiduċja tal-utenti u jikkawża danni kbar għall-ekonomija tal-UE, il-Kumitat jappella għal intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-inċidenti ċibernetiċi transkonfinali kbar;

16.

huwa konvint li jeħtieġ li tissaħħaħ il-fiduċja tal-utenti fis-servizzi elettroniċi, filwaqt li jiġi żgurat li jkunu infurmati bid-drittijiet tagħhom u jkunu protetti meta joperaw f’ambjent onlajn, u fl-istess ħin, li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u l-proprjetà intellettwali jkunu garantiti;

17.

jaqbel mal-ħolqien ta’ Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-sigurtà ċibernetika b’mod li hija jkollha kapaċità operattiva sħiħa u li tingħata qafas operazzjonali stabbli, li tkopri ċ-ċiklu kollu tal-ħajja fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-IT, u tkun responsabbli mill-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta’ inċidenti ta’ ċibersigurtà, u r-riżoluzzjoni tagħhom;

18.

jappoġġja l-proposta biex jinżamm amministrattivament u jiġi ġestit teknikament qafas Ewropew għaċ-ċertifikazzjoni globali tas-sigurtà fil-qasam tal-ICT, li jkun ibbażat fuq is-sistemi eżistenti ta’ ċertifikazzjoni fil-qasam tas-sikurezza u jkun rikonoxxut mill-Istati Membri kollha tal-UE;

19.

jirrakkomanda sforzi ulterjuri fil-ġlieda kontra l-attakki ċibernetiċi billi jiġu implimentati miżuri ta’ sigurtà bl-għan li jtejbu l-ħarsien tal-infrastrutturi kritiċi, b’tali mod li ċ-ċittadini u n-negozji jibbenefikaw minn ambjent diġitali sigur u affidabbli u, fl-istess ħin, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-valuri ewlenin l-oħrajn tal-UE, f’qafas legali xieraq;

L-iżvilupp ta’ pjattaformi onlajn

20.

jenfasizza r-rwol li l-pjattaformi onlajn jista’ jkollhom biex jiffaċilitaw diskussjonijiet dwar suġġetti ta’ interess komuni u rilevanti dwar l-installazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tan-netwerks ta’ veloċità kbira f’diversi reġjuni u territorji tal-UE;

21.

jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta’ “ċentri tal-innovazzjoni diġitali” u jitlobha sabiex tieħu ħsieb tiżgura bilanċ ġeografiku fl-allokazzjoni tal-fondi (5);

22.

jirrimarka li huwa meħtieġ li jinbnew netwerks broadband b’veloċità għolja, bħala mezz kif jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u ekonomiċi attwali u biex jintegraw il-popolazzjoni f’soċjetà bbażata fuq l-għarfien;

23.

l-użu tan-netwerk u s-servizzi disponibbli fih huma fatturi tat-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi, barra mill-ugwaljanza soċjali u aċċess ugwali għall-informazzjoni. L-aċċess għall-Internet jista’ jkun dritt ġenwin ta’ ċittadin u indikatur tal-kwalità ta’ ħajja;

24.

josserva l-influwenza dejjem akbar tal-pjattaformi onlajn (magni ta’ tiftix, pjattaformi soċjali, l-app stores, eċċ.) fil-qafas tal-ekonomija bbażata fl-internet;

25.

jirrakkomanda li n-netwerks jinbnew f’perspettiva ta’ sostenibilità u effiċjenza. It-twettiq ta’ netwerk ta’ veloċità kbira b’livell tajjeb ta’ kopertura jeħtieġ investimenti sinifikanti u fit-tul fl-infrastruttura, u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu strumenti li jiffaċilitaw l-aċċess għan-netwerk għal impriżi privati fiż-żoni rurali;

26.

jipproponi li tingħata iktar attenzjoni biex tiġi żgurata effikaċja akbar fl-allokazzjoni ta’ meded tal-ispettru tar-radju u sabiex jitħeġġu investimenti privati, supplimentati minn dawk tal-pubbliku sabiex jinkisbu l-għanijiet relatati mas-sistemi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, filwaqt li tiġi evitata l-monopolizzazzjoni tan-netwerks;

27.

iqis li huwa meħtieġ li tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozju fil-post tal-użu tas-servizzi elettroniċi, billi tiġi pprovduta f’kull ħin informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u jkun żgurat livell adatt ta’ protezzjoni meta jkunu onlajn u jitlob miżuri effettivi biex jitneħħa l-kontenut illeċitu li jkunu esposti għalih;

28.

jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li f’ħafna każijiet huma responsabbli għall-iskejjel u l-istabbilimenti edukattivi u partijiet interessati oħra jipprovdu rispons koordinat, sabiex jiġu appoġġjati l-isforzi biex jittejjeb il-livell tal-ħiliet diġitali, u biex jiġi evitat li ċ-ċittadini ma jiġux esklużi mis-soċjetà u l-ekonomija bbażati fuq l-ICT. Jinsisti f’dan ir-rigward fuq l-importanza enormi tal-litteriżmu u l-ħiliet diġitali għaċ-ċittadini, il-ħaddiema u dawk li qed ifittxu x-xogħol, għall-implimentazzjoni komprensiva tad-diġitalizzazzjoni fl-ekonomija u s-soċjetà (6) u jesprimi tħassib dwar il-lakuni persistenti fil-ħiliet diġitali identifikati mill-Kummissjoni;

Jiġi żgurat il-qafas neċessarju għall-funzjonament tal-ekonomija tad-data

29.

jinnota li l-ekonomija li dejjem tinbidel, fil-proċess ta’ diġitizzazzjoni, tiftaħ opportunitajiet ġodda għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jottimizzaw il-potenzjal għat-tkabbir tal-ekonomija diġitali. Investiment sostanzjali fl-infrastruttura u teknoloġiji tal-ICT huwa meħtieġa, b’mod partikolari fil-cloud computing, il-big data, u r-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex l-industrija ssir aktar kompetittiva u ttejjeb is-servizzi pubbliċi, l-inklużjoni u l-ħiliet. Huwa jappoġġja f’dan il-kuntest, l-inizjattiva tal-Kummissjoni li, sar-rebbiegħa 2018, tressaq, b’segwitu għall-Komunikazzjoni tagħha tal-21 ta’ Settembru 2017 dwar Sistema tat-Taxxa Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali, proposta għal direttiva li tistabbilixxi regoli ta’ tassazzjoni tal-profitti tal-ekonomija diġitali fil-livell tal-UE (7);

30.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li permezz tal-inizjattiva WiFi4EU, qed titħeġġeġ il-konnettività b’xejn għall-internet għall-utenti tal-komunitajiet lokali, u għalhekk l-investituri privati jkunu stimulati jipparteċipaw fl-iżvilupp tal-infrastruttura għan-netwerks diġitali;

31.

jappoġġja l-inizjattiva WiFi4EU, li għandu l-ħsieb li jippromovi fil-livell tal-komunitajiet lokali u jixtieq ixandar il-benefiċċji potenzjali tagħha, b’tali mod li fil-mument li titħabbar l-ewwel sejħa għall-proposti, ammont massimu ta’ awtoritajiet pubbliċi Ewropej eliġibbli jkunu diġà lesti biex iressqu l-applikazzjoni tagħhom biex ikollhom aċċess għall-fondi disponibbli;

32.

jinnota r-rwol importanti li t-titjib fil-kwalità tal-broadband se jkollu fl-iżvilupp tan-netwerks 5G, li se jkollu impatt fuq id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u tas-soċjetà, kif ukoll l-iżvilupp ta’ servizzi diġitali innovattivi u kompetittivi, u b’hekk jiġu pprovduti benefiċċji soċjoekonomiċi fit-tul, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll tal-koeżjoni. Itenni f’dan ir-rigward l-appell tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkompleta l-istandardizzazzjoni tal-5G malajr kemm jista’ jkun, peress li l-istandards huma ta’ importanza kbira għall-kompetittività u l-interoperabbiltà tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni;

33.

jinnota l-problemi li jeżistu fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi transkonfinali mill-perspettiva tal-konsumaturi li jixtiequ li jkollhom aċċess għal servizzi minn Stat Membru ieħor milli dak li fih ikunu jirrisjedu;

34.

jenfasizza l-impatt pożittiv li ser tipproduċi l-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi elettroniċi, minħabba li l-utenti jistgħu, kemm f’pajjiżhom kif ukoll meta jkunu qed jivvjaġġaw fi Stat Membru ieħor, jaċċessaw kontenut onlajn li jkunu abbonati fih;

35.

jitlob li jsiru aktar sforzi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għaċ-ċittadini kollha tal-UE għas-servizzi onlajn li huma disponibbli fi Stati Membri oħra, b’tali mod li tissolva l-problema tal-blokok ġeografiċi u jistieden li jiġu eliminati d-diskriminazzjonijiet mhux ġustifikati bejn il-konsumaturi f’pajjiżi differenti tal-UE;

36.

jappoġġja l-projbizzjoni fuq l-imblukkar tal-aċċess għal siti web u interfaċċi onlajn oħrajn skont ir-residenza tal-klijent, kif ukoll rerouting tal-konsumaturi minn verżjoni nazzjonali għal oħra, peress li kemm il-konsumaturi kif ukoll in-negozjanti, bħala utenti aħħarin ta’ prodotti jew servizzi, huma affettwati minn dawn il-prattiki. Ir-rerouting tal-klijent għandu jseħħ biss bil-kunsens tiegħu, u jirrikjedi wkoll li n-negozjanti jżommu aċċessibbli b’mod faċli l-verżjoni tal-interfaċċi onlajn li l-konsumatur kien fittex li jaċċessa qabel ma kien hemm ir-rerouting;

37.

jenfasizza l-iżbilanċ attwali bejn l-interessi ta’ dawk li joħolqu l-kontenuti diġitali u dawk tal-konsumaturi u josserva li hemm lok li tiġi mmodernizzata l-leġislazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u l-proprjetà intellettwali;

38.

jinnota li l-iżviluppi diġitali, bħas-servizzi tal-Cloud jew l-istreaming, jirrappreżentaw sfidi enormi speċjalment fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur (8);

39.

jinkoraġġixxi użu aktar intensiv tal-applikazzjonijiet ta’ cloud computing, sabiex ikun hemm aċċess għall-infrastrutturi tad-data Ewropej, dinjija, eċċ., li huma essenzjali għat-twettiq ta’ attivitajiet f’oqsma differenti. Dan l-aċċess għall-infrastrutturi tad-data għandu jseħħ f’kundizzjonijiet ta’ livell għoli ta’ sigurtà, ta’ portabbiltà tad-data u ta’ interoperabbiltà;

Garanzija tal-protezzjoni tad-data personali

40.

jenfasizza r-responsabbiltà prinċipali tal-awtoritajiet indipendenti inkarigati mill-protezzjoni tad-data personali;

41.

jikkunsidra li jeħtieġ li l-istrateġija tal-protezzjoni tad-data personali tiġi adattata għall-bżonnijiet dinamiċi tal-ispazju virtwali, li qed jinbidel il-ħin kollu, waqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-protezzjoni tad-data hija kwistjoni li għandha ramifikazzjonijiet f’diversi setturi, bħalma huma, fost oħrajn, il-ġustizzja, l-ekonomija, il-komunikazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-amministrazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur;

42.

japprezza li l-Kummissjoni ħalliet ċerta libertà lill-Istati Membri fl-applikazzjoni tad-derogi fl-użu ta’ xogħlijiet protetti għal skopijiet edukattivi. B’dan il-mod jiġu rispettati l-identitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll, konsegwentement, il-preżenza ta’ tipi partikolari ta’ liċenzji li jkunu oriġinaw minn kuntesti soċjali u politiċi differenti (9);

43.

isostni li, fit-tul, huwa mixtieq allinjament tal-qafas regolatorju tal-kumpens ta’ awturi, dawk li joħolqu kontenut u artisti (10);

Kamp ta’ applikazzjoni fil-livell lokali u reġjonali / Sinifikat għall-KtR

44.

iqis li l-bliet u r-reġjuni għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-ħolqien ta’ bażijiet tad-data li fihom informazzjoni pubblika, il-forniment ta’ elementi ta’ sigurtà, l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali meħtieġa, l-iżgurar u l-iffaċilitar tal-finanzjament ta’ netwerks tal-broadband u l-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-iskambju transreġjonali u transkonfinali tas-servizzi onlajn, skambji li jistgħu joffru għajnuna sostanzjali biex ikun hemm prestazzjonijiet ta’ livell għoli u ekonomija xprunata mid-data;

45.

jinnota li fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-KtR enfasizza kemm-il darba l-kontribut li l-livell lokali u reġjonali jista’ jagħmel f’kull stadju tal-ġbir tad-data u tal-provvista tas-servizzi liċ-ċittadini u lill-kumpaniji. Dan jidher ukoll fil-prattika: l-Ewropa toffri diversi eżempji, fir-rigward tal-kooperazzjoni potenzjali bejn ir-reġjuni, l-awtoritajiet nazzjonali u ċ-ċentri ta’ riċerka fil-qasam tas-Suq Uniku Diġitali;

46.

jenfasizza l-funzjoni importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jwettqu biex jinkoraġġixxu l-armonizzazzjoni tad-data u l-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija diġitali, b’mod li dan l-aspett għandu jiġi kkunsidrat meta titnieda azzjoni fil-livell nazzjonali jew f’dak tal-UE;

L-impatt fuq is-suq uniku diġitali tal-intenzjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea

47.

jinnota li wara l-vot azzjoni tal-poplu tar-Renju Unit biex iħalli l-UE, attwalment in-negozji qed jiffaċċjaw perjodu ta’ inċertezza f’dak li jikkonċerna t-tluq tagħhom mill-UE. Għal dawk li jipprovdu beni jew servizzi onlajn, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mal-kontenut diġitali, il-kwistjoni ewlenija tirrigwarda l-mod kif il-Kummissjoni Ewropea ser tapplika f’dan il-pajjiż l-inizjattiva tas-Suq Uniku Diġitali;

48.

huwa tal-fehma li jekk ir-Renju Unit jaċċetta l-moviment ħieles tal-beni u s-servizzi, is-Suq Uniku Diġitali għandu japplika lil hinn mill-perjodu ta’ sentejn iffissat għan-negozjati dwar il-Brexit.

Brussell, il-31 ta’ Jannar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  CdR 00039/2016.

(2)  CdR 02646/2015.

(3)  CdR 5559/2013.

(4)  CdR 625/2012.

(5)  CdR 02646/2015.

(6)  CdR 02646/2015.

(7)  Ara l-Opinjoni tal-KtR COR-2017/01530.

(8)  CdR 02646/2015.

(9)  CdR 05114/2016.

(10)  CdR 00039/2016.


23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/34


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE

(2018/C 176/09)

Relatur:

Marek Woźniak (PL/PPE), President tar-Reġjun ta’ Wielkopolska

Dokument ta’ referenza:

Dokument ta’ riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE, Kummissjoni Ewropea

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ l-azzjoni li ħadet il-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jitnieda dibattitu wiesa’ dwar il-futur tal-Ewropa. Id-Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE jindika l-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea wara l-2020, kif ukoll l-impenji li għandhom jiġu sodisfatti. Dan ibassar kif il-ħames xenarji mniżżlin fil-White Paper se jkollhom impatt fuq l-istruttura tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss u jippreżenta l-possibbiltajiet, l-alternattivi u r-riskji għal riforma fil-baġit futur tal-UE;

2.

jinnota li l-baġit tal-UE qed jaffaċċja ħafna sfidi fuq medda twila ta’ żmien u l-livell attwali ta’ finanzjament mhuwiex biżżejjed, li jfisser li l-qafas finanzjarju pluriennali jeħtieġ li jiġi rivedut b’mod fundamentali. Il-viżjoni futura tal-baġit għandha tikkorrispondi mal-ambizzjonijiet ġodda tal-UE, u dan se jirrikjedi baġit li jipprovdi finanzjament minn varjetà ta’ sorsi wara l-2020. Sadanittant, l-infiq tal-UE għandu jkompli jipprovdi aktar valur miżjud Ewropew;

3.

huwa konvint li l-analiżi tad-Dokument ta’ Riflessjoni turi b’mod ċar il-ħtieġa li jinbidlu r-regoli ta’ governanza li japplikaw għall-QFP u s-sistema ta’ finanzjament tal-UE. Is-sitwazzjoni attwali – fejn l-ekonomija Ewropea tinsab f’pożizzjoni ta’ rkupru u fejn il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE għandu jwassal għal tmiem tas-sistemi ta’ ribass – toffri opportunità li qatt ma kien hemm bħala qabel f’dawn l-aħħar 30 sena għal riforma profonda tas-sistema ta’ finanzjament tal-UE;

4.

jenfasizza l-importanza tal-qafas finanzjarju pluriennali, li għandu jkompli jkollu xeħta mmirata lejn l-investiment u jappoġġja l-politiki u l-għanijiet komuni tal-UE; Għalhekk m’hemmx il-ħtieġa għal strumenti speċjali li joperaw barra mill-QFP, u lanqas li jinħolqu baġits separati għall-pajjiżi taż-żona tal-euro u l-pajjiżi l-oħra tal-UE;

5.

ifakkar li l-kriżi ekonomika enfasizzat il-limitazzjonijiet tal-baġit tal-UE, li jirrappreżenta biss 1 % tad-ING (Introjtu Nazzjonali Gross) tal-UE iżda jintuża biex jitwettqu kompiti orizzontali li jmorru lil hinn mill-abbiltà tal-Istati Membri li jindirizzawhom. Il-QFP attwali huwa importanti f’termini ta’ kisba ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u jappoġġja proġetti ta’ riċerka u żvilupp u infrastruttura tat-trasport, u joħloq l-impjiegi. Madankollu, mhuwiex flessibbli biżżejjed biex jissodisfa l-aspettattivi u l-isfidi ġodda emerġenti li jfisser li kellu jintlaħaq il-limitu massimu għal approprjazzjonijiet tal-baġit attwali;

6.

jinnota wkoll li l-approċċ ta’ “bilanċ nett”, li jinjora r-redditu fuq l-investiment għall-ekonomija privata, u n-negozjati mtawla fuq kull euro li jintefaq bħala parti mill-proċedura baġitarja annwali joskuraw il-valur miżjud Ewropew reali u minħabba f’hekk huwa diffiċli li jintlaħqu politiki u programmi aktar ambizzjużi. Barra minn hekk, il-livelli tan-nefqa kif ukoll is-sistema attwali tar-riżorsi proprji wrew li kienu subottimali. Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jieħu deċiżjonijiet dwar ir-Regolament dwar il-QFP permezz ta’ maġġoranza kwalifikata, kif stipulat fl-Artikolu 312(2), subparagrafu 2, TFUE;

7.

jiġbed l-attenzjoni għal darb’oħra għall-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-UE u l-bidliet sinifikanti li l-baġit tal-UE wara l-2020 qed jiffaċċja f’dawn l-oqsma li ġejjin: 1) ġustizzja soċjali u faqar, 2) l-aċċess għal servizzipubbliċi, akkomodazzjoni u edukazzjoni, 3) kompetittività u innovazzjoni, 4) ħolqien ta’ impjiegi, 5) tibdil demografiku, migrazzjoni u sikurezza taċ-ċittadini, 6) politika komuni tad-difiża, 7) tibdil fil-klima, 8) koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, 9) agrikoltura u sikurezza alimentari, 10) infrastruttura u mobilità, 11) enerġija, 12) l-impatt tal-globalizzazzjoni, 13) tkabbir sostenibbli, 14) l-impatt speċifiku li jista’ jkun hemm f’ċerti territorji minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, 15) diġitalizzazzjoni. Il-QFP għandu għalhekk jiffoka fuq l-iżgurar ta’ riżorsi disponibli biex jingħelbu dawn il-problemi sabiex jinħoloq valur miżjud Ewropew tanġibbli għaċ-ċittadini tal-UE;

8.

jinnota bi tħassib li t-tnaqqis fil-baġit tal-UE (inkluż dak b’rabta mal-Brexit) mingħajr żieda fil-mezzi finanzjarji minn riżorsi proprji ser iżid il-piż fuq l-Istati Membri fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet, jew se jwassal inevitabbilment għal limitazzjonijiet f’termini ta’ politiki li jirċievu appoġġ;

9.

jenfasizza l-importanza li l-baġit tal-UE jintuża f’manjiera aktar effettiva permezz tal-estensjoni tal-prinċipju tas-sħubija għall-aspetti kollha tal-baġit u permezz tas-simplifikazzjoni tal-Fondi u tar-regoli rispettivi tagħhom;

10.

jitlob, għalhekk, biex il-qafas finanzjarju komuni futur ikun akbar sabiex l-UE tkun tista’ tassumi r-responsabbiltà biex tissodisfa l-għanijiet tat-trattati u prijoritajiet politiċi ġodda u għall-kompiti li jirriżultaw minn dan. Dan m’għandux jillimita l-politika agrikola komuni jew il-politika ta’ koeżjoni għall-Istati Membri u r-Reġjuni, li – minħabba l-iskala tal-isfidi li qed tiffaċċja l-UE, u n-natura strutturali tagħhom – għandhom ikomplu jirċievu mill-inqas l-istess sehem tal-baġit tal-UE;

11.

iqis li d-daqs tal-isfidi li qed tiffaċċja l-UE, kif ukoll il-proċessi dinamiċi li qed iseħħu madwarha, ifissru li l-baġit tal-UE għandu jkun aktar funzjonali u flessibbli minn qabel, u jrid ikun aktar reattiv għal xejriet ġodda u bidliet fil-politiki. Dan il-prinċipju għandu japplika kemm għal tendenzi negattivi kif ukoll għal opportunitajiet ta’ żvilupp emerġenti. Għalhekk hemm il-ħtieġa li jiġi adottat baġit tal-UE li jkun aktar sempliċi, aktar trasparenti, aktar ġust u aktar konformi ma’ prinċipji demokratiċi, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ livell għoli dwar ir-riżorsi proprji;

12.

jinnota li l-baġit futur tal-UE għandu jikkunsidra l-karatteristiċi partikolari taż-żoni f’termini ta’ potenzjal ta’ żvilupp u d-defiċit kif ukoll l-isfidi ġeografiċi u demografiċi. Baġit tal-UE kkostitwit fuq din il-bażi se jagħmilha possibbli li tittieħed aktar responsabbiltà għall-impenji mwettqa u l-impatt ta’ miżuri fuq livell reġjonali u lokali. Għalhekk huwa jenfasizza r-rwol partikolari ta’ ġestjoni kondiviża li tiżgura żvilupp territorjali koerenti billi tgħaqqad il-politika tal-UE mal-implimentazzjoni tagħha fuq il-post;

13.

bi tħassib jinnota li d-Dokument ta’ Riflessjoni – iddedikat għal kwistjonijiet li se jkunu ta’ importanza kruċjali għall-istruttura tal-Ewropa fis-snin li ġejjin – ma jenfasizzax ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod partikolari f’dawk il-każijiet fejn il-kompetenzi fl-oqsma deskritti fil-punt 7 huma r-responsabbiltà esklussiva tagħhom;

14.

ifakkar li referenza speċifika għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-Trattat ta’ Lisbona trid titpoġġa kompletament fil-prattika filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà u billi jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali – notevolment permezz tal-KtR – ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċess leġislattiv Ewropew meta jitqies li ta’ spiss huma l-benefiċjarji finali tal-politiki u l-programmi tal-UE, iżda barra minn hekk jaqdu wkoll rwol determinanti fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, il-baġit tal-UE għandu jiżgura konformità mal-prinċipju tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, sabiex jirrifletti b’mod xieraq it-tqassim tal-kompiti bejn il-livelli Ewropej, nazzjonali u lokali;

15.

itenni l-appoġġ tiegħu għall-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ seba’ snin, kif stqarr fl-opinjoni tiegħu dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni. Madankollu, il-KtR ifakkar ukoll il-vantaġġi ta’ perjodu ta’ programmazzjoni estiż ta’ 10 snin (5+5) b’reviżjoni obbligatorja u komprensiva ta’ nofs it-terminu. Għalhekk jissuġġerixxi li għall-aħħar darba jiġi appoġġjat perjodu ta’ seba’ snin qabel jiġi aġġustat għaċ-ċiklu elettorali. Dawn ix-xenarji jistgħu jipprovdu stabilità u prevedibilità biżżejjed, kif ukoll jassiguraw li r-rekwiżiti tal-ippjanar strateġiku jiġu sodisfatti b’mod iktar effettiv. Barra minn hekk, reviżjoni ta’ nofs it-terminu komprensiva tkun tfisser li r-riżultati mill-ewwel perjodu ta’ implimentazzjoni diġà jkunu disponibbli, u jkunu jistgħu jiġu implimentati sabiex il-baġit tal-UE jintuża fil-mod l-aktar affidabbli u preċiż. Huma għandhom ukoll ikunu jistgħu japplikaw kriterju ta’ flessibilità baġitarja biex ikunu jistgħu jaġixxu f’sitwazzjonijiet ta’ kriżijiet serji jew meta jinbidlu l-prijoritajiet;

16.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew ipproponew skeda taż-żmien ċara u ambizzjuża għall-ħidma proċedurali lejn l-adozzjoni ta’ qafas finanzjarju pluriennali ġdid, li jippermetti li jintlaħaq ftehim mal-Kunsill qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019. Madankollu, il-Kumitat huwa mħasseb ħafna dwar il-proposta tal-Kunsill li l-arranġamenti finali dwar il-QFP futur għandhom jiġu adottati biss wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Huwa jwissi kontra li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-QFP isir twil wisq, għax dan iwassal għal dewmien sostanzjali fl-adozzjoni tal-pakkett leġislattiv futur u b’hekk jimpedixxih milli jiġi implimentat f’waqtu;

17.

jinnota li fil-programmazzjoni għad ma hemmx strateġija ta’ segwitu għal dik tal-Ewropa 2020. Għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex kemm jista’ jkun malajr tibda l-ħidma fuq din l-istrateġija ta’ segwitu, li trid tistabbilixxi objettivi strateġiċi ambizzjużi, iżda li jkunu wkoll realistiċi, li jiggarantixxu effettività aħjar tal-miżuri futuri tal-UE u tal-Istati Membri bl-għajnuna tal-istrumenti u tar-riżorsi finanzjarji disponibbli;

18.

jirrimarka li kwalunkwe “dispożizzjonijiet transizzjonali”, għalkemm permessi mir-regolament finanzjarju tal-QFP, se jwasslu għal problemi legali u operazzjonali serji fil-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, b’impatt detrimentali fuq il-programmi operattivi u l-benefiċjarji, partikolarment fl-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-KtR jiddikjara r-rieda tiegħu li jikkontribwixxi u jappoġġja ’l-Parlament Ewropew, ’il-Kummissjoni Ewropea u ’l-Kunsill fin-negozjati tal-QFP;

Valur miżjud Ewropew

19.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-kunċett propost ta’ valur miżjud Ewropew, li jirrelata ma’ impenji msejsa fit-trattati – il-qafas ta’ referenza meħtieġ għad-dibattitu dwar il-QFP;

20.

iqis adatti l-kriterji proposti għall-provvediment ta’ beni pubbliċi b’dimensjoni Ewropea, ekonomiji ta’ skala u effetti konsegwenzjali, kif ukoll is-salvagwardja tal-valuri komuni Ewropej u t-tisħiħ tas-suq uniku. Id-definizzjoni ta’ Valur miżjud Ewropew li tingħata tispira fiduċja li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità se jiġu rispettati fil-każ ta’ miżuri meħuda fil-livell tal-UE. Huwa partikolarment importanti li wieħed jinnota li t-tnaqqis tad-disparitajiet fl-iżvilupp bejn – u fi ħdan – il-pajjiżi tal-UE huwa wieħed mill-prekundizzjonijiet għat-titjib tal-kompetittività tal-UE kollha. Għalhekk, hemm bżonn li jiġi enfasizzat ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni fil-ġenerazzjoni tal-valur miżjud Ewropew, li din tinkiseb billi timplimenta riformi strutturali, tiżviluppa kapaċità amministrattiva fil-livelli kollha ta’ governanza (“effetti sekondarji”) u tipprovdi appoġġ dirett eż. taħt l-inizjattiva “Reġjuni li għadhom lura”;

21.

jilqa’ s-sejħa tal-Kummissjoni biex il-QFP jiffoka fuq prijoritajiet li jistgħu jagħmlu differenza sinifkanti għall-ħajja tal-persuni u jgħinu biex jirrestawraw il-fiduċja dwar il-valur miżjud tal-UE. Għal dan il-għan, il-baġit tal-UE għandu jirrifletti aħjar ukoll id-djalogu maċ-ċittadini, b’mod partikolari permezz taż-żewġ assemblej politiċi b’membri eletti demokratikament (il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni); barra minn hekk, għandhom jinħolqu wkoll aktar sinerġiji mal-parlamenti nazzjonali u reġjonali u l-assembleji reġjonali u lokali;

22.

jappoġġa wkoll, f’dan ir-rigward, it-talba tal-Parlament Ewropew biex ikomplu jiġu żviluppati metodi ta’ valutazzjoni, bħal pereżempju billi jiġu inkorporati indikaturi tal-prestazzjoni xierqa jew billi jitqies l-impatt ta’ politiki speċifiċi fuq ir-reġjuni, bl-għajnuna ta’ strumenti attwali tal-politika ta’ koeżjoni bħall-Pjattaforma tad-Data Miftuħa għall-Fondi SIE. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet dwar il-politiki li għandhom jiġu appoġġati għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni kwalitattiva u abbażi ta’ politika tal-prijoritajiet tal-UE u m’għandhomx ikunu esklużivament limitati għal analiżi kwantitattiva;

23.

jenfasizza li hemm riskju li jittieħdu deċiżjonijiet li ma jippromovux miżuri b’valur miżjud għoli għall-Ewropa, iżda minflok, jittieħdu deċiżjonijiet li huma relatati ma’ kwistjonijiet nazzjonali – bħalma huma l-bilanċ nett jew il-protezzjoni ta’ limiti baġitarji speċifiċi – minħabba l-influwenza ta’ interessi politiċi b’saħħithom; jistieden lill-Kunsill biex jevita negozjati tal-QFP ibbażati fuq il-kalkoli tal-bilanċ nett, peress li l-ewwel nett, il-benefiċċji mhux diretti (pereż. kumpanija barranija li tibni proġett tal-UE) ma jistgħux jiġu kkunsidrati f’dawn il-kalkoli u t-tieni nett dawn il-kalkoli jikkontradixxu l-ispirtu Ewropej ta’ koeżjoni u solidarjetà;

Riforma tal-baġit

24.

huwa konvint li hemm bżonn ta’ riforma fundamentali biex jiġu aboliti regoli u strumenti ineffettivi u biex dawk iżjed effettivi jkunu iktar prominenti. Il-Kumitat itenni li l-kumplessità tal-istruttura tal-baġit – b’mod partikolari il-mekkaniżi ta’ ribass u ta’ aġġustament tiegħu – tagħmel l-azzjonijiet tal-UE inqas ċari u taggrava l-kriżi ta’ fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet tal-UE. Għalhekk huwa jappella biex dawn il-mekkaniżmi jitneħħew, bil-għan li tkun possibbli evalwazzjoni ġenwina tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-UE. Il-KtR jirrimarka, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi żgurat kamp ta’ applikazzjoni usa’ biex jitkejlu l-benefiċċji kollettivi tal-politiki tal-UE, is-sinerġiji ekonomiċi, l-effetti transkonfinali u r-riżultati esterni pożittivi;

25.

jitlob li l-QFP jiġi armonizzat u jsir aktar trasparenti. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ħolqien ta’ strumenti satelliti mhuwiex is-soluzzjoni t-tajba. Jibqa’ konvint, għaldaqstant, dwar il-ħtieġa li jiġu inklużi strumenti speċjali fl-istruttura tal-QFP (eż. il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni) u biex jiġu żgurati sinerġiji bl-għajnuna ta’ ġabra unika ta’ regoli;

26.

jinnota li l-baġit attwali tal-UE mhuwiex kbir biżżejjed biex ikun jista’ jeżerċita effett stabbilizzanti, li jfisser li hemm il-bżonn li jintużaw ir-riżorsi proprji għall-appoġġ tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE għal wara l-2020. Il-KtR itenni t-talba tiegħu li jiġu introdotti sorsi ġodda għal riżorsi proprji fil-forma ta’ pakkett li jikkombina diversi taxxi (taxxa korporattiva Ewropea, BKKTK, TTF, benefiċċji mid-dħul tal-munita, tassazzjoni ta’ profitti fl-ekonomija diġitali, VAT riformata);

27.

jistieden lill-Kunsill u lill-Presidenza tal-Kunsill tal-UE biex jagħmlu kull sforz biex jikkonvinċu lill-Istati Membri biex b’mod rigoruż iwettqu r-riforma tar-riżorsi proprji tal-UE. Il-konklużjonijiet tar-rapport tal-grupp ta’ livell għoli dwar ir-riżorsi proprji jipprovdu bażi eċċellenti favur dan l-argument;

28.

jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġit tal-UE abbażi tal-livell ta’ dħul tagħhom kif imkejjel mill-introjtu nazzjonali gross (ING);

29.

iwissi li l-istabbiliment tan-nefqa f’livell ta’ 1 % tal-ING tal-UE wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jkun iwassal għal tnaqqis annwali fil-baġit tal-UE ta’ aktar minn EUR 23 biljun. Għaldaqstant, il-KtR jitlob li l-baġit futur jiġi ffissat għal-livell li ma jkunx anqas minn 1,3 % tal-ING tal-UE, u b’hekk tiġi appoġġjata l-pożizzjoni li ħa Parlament Ewropew fuq dan il-punt;

Il-baġit futur

30.

jappella biex l-istruttura tal-QFP tiġi ssemplifikata b’mod effiċjenti. L-oqsma ewlenin ta’ finanzjament għandhom jirriflettu l-prijoritajiet li għandhom jiġu sostnuti u għandhom ikunu faċilment rikonoxxibbli miċ-ċittadini (pereżempju l-politika ta’ koeżjoni, il-PAK);

31.

jitlob li jittieħdu miżuri biex ikun żgurat li l-QFP futur jilħaq bilanċ bejn il-flessibbiltà meħtieġa u l-istabbiltà tal-finanzjament f’oqsma ta’ attività li huma ta’ importanza strateġika għall-UE. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li jinħoloq mekkaniżmu xieraq biex jiġu allokati riżervi li jippermettu li tiġi evitata l-akkumulazzjoni mhux ġustifikata ta’ riżorsi filwaqt li jiġu stabbiliti wkoll kriterji ċari dwar kif għandhom jitqassmu. Il-Kumitat għalhekk jipproponi l-ħolqien ta’ riżerva ta’ kriżi għal sitwazzjonijiet meta tinħoloq ħidma ġdida jew kriżi mhux prevista, u riżerva mhux ipprogrammata. Jipproponi wkoll miżuri biex jissaħħu l-għodod ta’ flessibilità speċjali li jeżistu bħalissa;

32.

jinnota l-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-għodod tal-UE, b’mod li kollha kemm huma jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-UE u tiġi faċilitata l-implimentazzjoni ta’ riformi fl-Istati Membri;

33.

jitlob li l-multi kollha miġbura fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni jitqiegħdu fil-baġit tal-UE bħala dħul assenjat;

34.

jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa aktar komplementarjetà u biex tiġi limitata s-sovrappożizzjoni bejn l-għodod finanzjarji eżistenti tal-UE sabiex tiġi żgurata aktar effiċjenza fil-baġit futur tal-UE. Tali proċess ta’ konsolidazzjoni se jagħmilha wkoll possibbli li tiżdied il-massa kritika tal-għodod ta’ finanzjament u jgħin biex l-aċċess għal dawn il-fondi jkun aktar faċli u aktar trasparenti;

35.

għadu jemmen li l-baġit futur għandu jkun iffukat fuq ir-riżultati. Fir-rigward tar-rabta aktar effettiva bejn ir-riżorsi tal-UE u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-UE, il-KtR jopponi l-kunċett fejn il-politika ta’ koeżjoni tkun sempliċiment subordinata għall-eżerċizzju tas-“Semestru Ewropew” minflok allinjament, peress li l-politika ta’ koeżjoni għandha l-leġittimità proprja tagħha imnaqqxa fit-trattati Ewropej. Barra minn hekk, kieku r-rabta jkollha ssir aktar effettiva permezz tal-inklużjoni tal-politika ta’ koeżjoni fil-programmi ta’ riforma nazzjonali, dawn tal-aħħar għandhom, l-ewwel nett fil-livell Ewropew, jiġu ddisinjati mill-ġdid b’tali mod li jinżammu d-dimensjoni territorjali u l-approċċ deċentralizzat ibbażat fuq sħubija (1); Il-KtR huwa konvint ukoll li, sabiex is-Semestru Ewropew isir aktar effettiv u tiżdied is-sjieda fil-prattika, kundizzjoni essenzjali jkun l-involviment strutturat tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala msieħba fis-Semestru Ewropew fid-dawl tad-diviżjoni attwali tas-setgħat u l-kompetenzi fost il-livelli kollha tal-gvern fl-Istati Membri tal-UE (2).

Oqsma ta’ finanzjament futur

36.

jipproponi li l-approċċ ibbażat fuq il-post għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE jiġi appoġġat aktar billi tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-livelli lokali u reġjonali, kif ukoll taż-żoni funzjonali interreġjonali bħala r-rappreżentanti ewlenin fil-kisba tal-objettivi tal-UE għaċ-ċittadini;

37.

itenni, f’dan ir-rigward, it-talba tiegħu li l-politika ta’ koeżjoni tkompli tkun prijorità fl-istruttura baġitarja futura, għall-benefiċċju tar-reġjuni kollha tal-UE u jappoġġja bil-qawwa #CohesionAlliance. Il-KtR huwa tal-fehma li t-tliet dimensjonijiet ta’ koeżjoni (ekonomika, soċjali u territorjali) għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni ta’ konverġenza ekonomika aktar b’saħħitha fl-UE, filwaqt li jiżguraw Ewropa aktar integrata b’element soċjali aktar b’saħħtu u jippermettu li kull qasam tal-UE jibbenefika mis-suq uniku. Koeżjoni u reżiljenza territorjali akbar huma punti determinanti ewlenin tal-pożizzjoni kompetittiva tal-UE fix-xena dinjija;

38.

huwa konvint li l-baġit il-ġdid għandu jiffoka aktar fuq it-tiftix u l-ħolqien ta’ vantaġġi sostenibbli u l-użu aħjar tal-potenzjal u r-riżorsi ta’ żvilupp. F’dan is-sens, il-politika ta’ koeżjoni tista’ tiggarantixxi riżultati reali u li jistgħu jitkejlu fil-livell tal-UE u f’livelli aktar baxxi. Għalhekk, bħala politika li toħloq valur miżjud Ewropew, is-sehem tagħha fil-baġit ġenerali tal-UE għandu tal-anqas jinżamm;

39.

jenfasizza l-ħtieġa li jkompli jiġi pprovdut finanzjament suffiċjenti u jiġi appoġġjat l-iżvilupp intern tat-territorji kollha fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni. Fl-istess waqt, il-Kumitat jenfasizza li din il-politika għandha ssir aktar flessibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma direttament u indirettament involuti fl-infiq ta’ 75 % tal-baġit tal-UE;

40.

jitlob li tinżamm il-ġestjoni kondiviża attwali li biha l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jitmexxew, billi din tiggarantixxi l-effettività tagħhom u tippermetti djalogu kontinwu matul il-perjodu sħiħ ta’ programmazzjoni; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza partikolari tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), fi ħdan il-FSIE, fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u biex jingħelbu d-differenzi soċjali fl-UE. jitlob ukoll li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) isir parti integrali tal-FSIE futuri;

41.

jitlob li l-istrument tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-COSME, LIFE, l-Orizzont 2020, Erasmus+ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ikomplu jirċievu livell adatt ta’ finanzjament;

42.

jenfasizza l-ħtieġa li qed tikber biex isir użu akbar tal-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali (kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali) u tal-istrateġiji makroreġjonali, biex jissaħħu il-kompetittività, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali fl-Ewropa. Dawn il-programmi u strateġiji joħolqu wkoll valur miżjud għoli għall-ħolqien ta’ identità Ewropea komuni;

43.

jinnota li għandhom jintefqu aktar flus fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, li għandhom impatt partikolarment kbir fuq it-tkabbir ekonomiku, il-produttività u l-kompetittività tal-UE;

44.

jitlob, għal darb’oħra, għal sforzi biex tiġi żgurata politika agrikola (3) ġusta, sostenibbli u bbażata fuq is-solidarjetà b’baġit li huwa kbir biżżejjed biex ikun jista’ jappoġġja l-bdiewa, ir-reġjuni, il-konsumaturi u ċ-ċittadini. Il-Kumitat jirrakkomanda r-regolazzjoni tas-swieq agrikoli sabiex jiġu evitati kriżijiet settorjali bi spejjeż għolja, u jirrakkomanda l-iffissar ta’ limitu massimu għall-pagamenti diretti skont l-azjenda agrikola, li jwassal għal iffrankar ta’ fondi fl-ewwel pilastru tal-PAK. Huwa jirrifjuta kwalunkwe idea li jiġi introdott il-kofinanzjament ta’ pagamenti diretti mill-Istati Membri; in-nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tal-PAK ser titfa’ fi żvantaġġ l-agrikoltura ta’ ħafna Stati Membri tal-UE; il-Kumitat huwa favur it-tisħiħ tat-tieni pilastru sabiex jiġi żgurat li jkun possibbli għaż-żoni rurali li jimplimentaw miżuri ta’ żvilupp xierqa, u jitlob ukoll għal aktar possibilitajiet sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jittrasferixxu fondi mill-ewwel għat-tieni pilastru;

45.

jemmen, li minbarra l-Politika Agrikola Komuni, huwa essenzjali li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni rurali fil-politiki Ewropej kollha f’konformità sħiħa mal-implimentazzjoni tal-objettiv tal-koeżjoni territorjali tal-UE. Tabilħaqq, kif jintwera fl-istudju tal-KtR dwar il-baġit Ewropew iddedikat għaż-żoni rurali, il-ħtiġijiet taż-żoni rurali jmorru ferm lil hinn minn dak li tista’ tagħmel il-politika tal-iżvilupp rurali tal-PAK. Għalhekk hemm bżonn li d-dimensjoni rurali titqies aħjar fil-ġenerazzjoni li jmiss tal-Fondi Strutturali, u din għandha tkun ibbażata fuq l-adozzjoni ta’ “aġenda rurali” Ewropea;

46.

itenni l-appell tiegħu għal miżuri li jiżguraw mekkaniżmu ta’ kapaċità fiskali li joħloq inċentivi għall-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali fl-Istati Membri, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għandu jiġi definit skont il-valur miżjud Ewropew tagħhom, minn naħa waħda, u kapaċità interim għall-assorbiment tal-iskossi ekonomiċi asimmetriċi, min-naħa l-oħra. Dan għandu jkun addizzjonali għall-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni u għandu jkun marbut mill-qrib ma’ konformità mal-qafas regolatorju usa’ tal-UE u biex isir progress lejn il-konverġenza, mingħajr ma jitnaqqsu l-allokazzjonijiet għall-politika ta’ koeżjoni. Il-Kumitat għadu konvint li l-mekkaniżmu ta’ kapaċità fiskali għandu jkun soġġett għat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod konġunt bl-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew, u jiġi implimentat, fil-livell tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, kif ukoll, f’konformità mal-prinċipju tal-parteċipazzjoni volontarja, l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro għandu jkollhom ukoll aċċess għalih;

47.

ifakkar ukoll li huwa kontra li l-kapaċità fiskali għaż-żona tal-euro tieħu l-forma ta’ intestatura baġitarja taż-żona tal-euro fi ħdan il-baġit tal-UE sakemm il-limitu massimu tar-riżorsi proprji jibqa’ ffissat għal-livell attwali ta’ 1,23 % tal-dħul nazzjonali gross tal-UE, peress li din il-proposta tista’ timplika riżorsi li mhumiex biżżejjed għall-kapaċità fiskali biex taqdi rwol ta’ stabbilizzazzjoni jew inkella ġġib magħha r-riskju ta’ esklużjoni (crowding out effect) għall-iffinanzjar tal-politiki tal-UE bħall-FSIE;

48.

ifakkar fit-talba tiegħu li jiġu inklużi miżuri li jikkomplemetaw il-PDG fl-istabbiliment ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej fil-perjodu finanzjarju pluriennali li jmiss, li jippermettu li tiġi aġġustata r-rata ta’ kofinanzjament skont il-kategorija tar-reġjun u skont in-nefqa attwali li saret meta jiġu ffinanzjati l-operazzjonijiet kofinanzjati jew, fejn xieraq, jiġi żgurat li l-qafas ta’ programmar jippermetti li jiġu ffinanzjati attivitajiet f’żoni li jinsabu f’reġjuni iktar żviluppati li qegħdin jiffaċċjaw xkiel territorjali u soċjodemografiku sinifikanti; abbażi ta’ kriterji armonizzati u konsistenti addizzjonali, għandhom jitqiesu aktar l-isfidi demografiċi fil-livelli reġjonali u lokali, l-effetti tal-globalizzazzjoni u sfidi speċjali oħrajn (pereżempju soċjali, ambjentali, ġeografiċi u naturali) meta jitqassmu l-fondi tal-UE;

49.

huwa konvint li t-tkabbir ekonomiku ma jistax jimxi id f’id mal-inugwaljanzi u l-esklużjoni soċjali, u jirrimarka li l-Artikolu 9 tat-TFUE jitlob lill-UE tiggarantixxi livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali fil-firxa kollha tal-politiki u l-attivitajiet tagħha;

50.

ifakkar li l-perspettiva tal-ġeneru għadha ’l bogħod milli tiġi ssemplifikata fl-oqsma kollha ta’ politika; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea biex tapplika metodoloġija ta’ baġitjar skont il-ġeneru għall-partijiet kollha tal-QFP;

51.

jemmen li għandha tingħata attenzjoni akbar għall-għajnuna għall-iżvilupp u għall-“kriżi tar-refuġjati u l-migranti” b’mod partikolari, li hija kwistjoni globali;

Xenarji

52.

itenni l-oppożizzjoni tiegħu għax-xenarji għall-iżvilupp futur (“inkomplu kif aħna”, “nagħmlu anqas flimkien”, “uħud jagħmlu iżjed” u “tfassil radikali mill-ġdid”) li għandhom inaqqsu jew jeliminaw kompletament il-politiki ta’ investiment fit-tul prinċipali, jiġifieri l-politika ta’ koeżjoni u l-politika agrikola komuni. Hemm ħtieġa reali biex tiġi evitata Ewropa multidirezzjonali u sabiex issir valutazzjoni minn qabel tal-impatt territorjali ta’ bosta xenarji;

53.

jinnota li l-biċċa l-kbira tax-xenarji jiffokaw fuq l-ixprunar tat-tkabbir tal-PGD aktar milli l-iżgurar tal-koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali. Dan jista’ jkollu konsegwenzi negattivi fuq il-futur tal-UE;

54.

jinnota li l-aħjar mill-alternattivi proposti huwa x-xenarju 5 (“flimkien isir ferm aktar”), li huwa l-aktar attraenti għaċ-ċittadini fil-bliet u r-reġjuni. Għandhom isiru sforzi sabiex l-Istati Membri kollha japprovaw żieda kbira fil-baġit tal-UE u jaqblu dwar riżorsi proprji ġodda;

Riflessjonijiet finali

55.

jenfasizza li l-qafas finanzjarju pluriennali wara l-2020 għandu jkun flessibbli u orjentat lejn il-futur, b’mod li jkun jista’ jżomm il-fokus strateġiku tiegħu u ċ-ċertezza tal-ippjanar tiegħu għall-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll li jindirizza kriżijiet potenzjali u jipprevjeni l-ħolqien ta’ fondi ad hoc barra mill-QFP;

56.

jappella għal darb’oħra li l-prinċipji tas-sħubija, tal-governanza f’diversi livelli u tas-sussidjarjetà jiġu applikati fl-oqsma kollha ta’ politika, u jitlob li jsiru sforzi biex jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn is-setturi kollha tas-soċjetà, bil-għan li tinbena soċjetà aktar demokratika tal-UE li tgawdi mill-fiduċja taċ-ċittadini kollha.

Brussell, l-1 ta’ Frar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KtR dwar “Il-futur tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2020 – Għal politika ta’ koeżjoni Ewropea b’saħħitha u effettiva wara l-2020”, adottata fit-12 ta’ Mejju 2017.

(2)  Ara l-Opinjoni tal-KtR dwar “It-titjib tal-governanza tas-Semestru Ewropew: Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali”, adottata fil-11 ta’ Mejju 2017.

(3)  Ara l-Opinjoni tal-KtR dwar “Il-PAK wara l-2020”, adottata fit-12 ta’ Lulju 2017.


23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/40


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-investimenti territorjali integrati – sfida għall-politika ta’ koeżjoni tal-UE wara l-2020

(2018/C 176/10)

Relatur:

is-Sur Osvald (CZ/PSE), Kunsillier tal-Belt ta’ Plzeň

Dokument ta’ referenza:

mhux applikabbli

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma direttament ikkonċernati mill-implimentazzjoni tal-għodod tal-politika ta’ koeżjoni bħall-investimenti territorjali integrati (ITI), peress li huma kemm il-benefiċjarji ewlenin tal-politika kif ukoll direttament involuti fil-ġestjoni tal-implimentazzjoni tal-politika b’ġestjoni kondiviża. Bosta snin wara l-introduzzjoni tal-għodda tal-ITI fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 u fid-dawl tal-potenzjal kbir tagħha biex tiffaċilita s-sinerġiji ta’ investiment fl-użu tal-Fondi SIE, il-KtR qed jippreżenta opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar din il-kwistjoni. Il-Kumitat iqis li l-esperjenza ta’ implimentazzjoni s’issa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kemm mil-lat tal-istejjer ta’ suċċess tagħhom kif ukoll l-isfidi li ltaqgħu magħhom, għandha tiġi evalwata bir-reqqa u tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-qafas leġislattiv ta’ wara l-2020.

L-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni u l-approċċ ibbażat lokalment

2.

jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandha tiġi adattata għall-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti attwali ta’ kull reġjun speċifiku jekk għandha tikkontribwixxi b’mod aktar effettiv għat-twettiq tal-objettivi tal-UE u toħloq valur miżjud Ewropew, ittejjeb il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini tal-UE b’mod ġenerali u tgħin biex jiġu eliminati d-disparitajiet. Għaldaqstant mhux biss għandha tindirizza l-problemi ta’ reġjun b’mod sostenibbli u mmirat iżda wkoll tisfrutta l-potenzjal u l-ispeċifiċitajiet tiegħu. L-aktar importanti, għandha tagħti prijorità lill-politika u l-iżvilupp reġjonali, u b’mod partikolari l-bżonnijiet tar-reġjun, għall-kontra ta’ dawk tas-setturi individwali. Il-konfigurazzjoni kumplessa attwali tagħha tbiegħdha mill-objettiv ġenwin tagħha. Il-komprensività u l-kumplessità tagħha qed isiru ostaklu ewlieni għall-implimentazzjoni effikaċi u flessibbli tal-politika ta’ koeżjoni fil-livell lokali u reġjonali;

3.

jinnota li jekk verament irridu li l-politika ta’ koeżjoni tkun aktar effikaċi, anke mil-lat ta’ sinerġija, u nibbenefikaw mill-potenzjal ta’ reġjun, jeħtieġ li nimmodifikaw b’mod sinifikanti s-sistema tal-konfigurazzjoni tal-Fondi SIE b’tali mod li, biex jitwettqu l-objettivi futuri tal-UE u jinħoloq valur miżjud Ewropew, huwa l-approċċ reġjonali u lokali bbażat fuq ċirkostanzi lokali (approċċ ibbażat fuq il-post), u mhux l-approċċ nazzjonali u l-prijoritajiet nazzjonali komuni, li għandu jkun ċentrali;

4.

jitlob li, fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni, jintużaw b’mod effettiv elementi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u ta’ ġestjoni kondiviża. Abbażi ta’ dawn il-prinċipji, l-UE għandha tillimita lilha nnifisha biex tistabbilixxi objettivi ġenerali (li tkun trid tikseb l-UE b’mod ġenerali), iżda huwa l-livell lokali u reġjonali li għandu jiddefinixxi l-mod kif dawn għandhom jinkisbu skont il-kundizzjonijiet speċifiċi u l-potenzjal tar-reġjun, li jinbidlu maż-żmien;

5.

josserva li t-tisħiħ tal-approċċ ibbażat fuq il-post naturalment ser jimplika komunikazzjoni aktar regolari għad-dipartimenti tal-Kummissjoni, u speċjalment tad-DĠ Regio u l-awtoritajiet ta’ awditjar, peress li dawn ser ikollhom jikkomunikaw direttament mhux biss mal-korpi nazzjonali iżda wkoll mal-korpi lokali u reġjonali. Dan jillimita wkoll il-possibbiltà li jinħolqu mudelli ġeneriċi li, filwaqt li jagħmlu l-ġestjoni u l-kontroll irħas u aktar sempliċi, ibiegħdu ferm il-politika ta’ koeżjoni mill-benefiċjarji tagħha. L-implimentazzjoni ta’ approċċi territorjali integrati bbażati fuq il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini tal-UE, madankollu, ser ikollha impatt ċar f’termini ta’ ħolqien ta’ valur miżjud Ewropew għal dawk iċ-ċittadini, li jrid ikun prijorità għall-Kummissjoni kif ukoll għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri;

6.

jinnota li, jekk irridu nibnu UE għaċ-ċittadini, jeħtieġ li l-politiki tagħna jinbtu mill-insedjamenti, irrispettivament mid-daqs tagħhom, jiġifieri kemm mill-komunitajiet kif ukoll mir-reġjuni, peress li dawn l-insedjamenti jaqdu rwol uniku u fundamentali għaċ-ċittadini f’termini tal-kwalità ta’ ħajjithom, l-ambjent, l-edukazzjoni, l-impjiegi, is-servizzi soċjali u dawk tas-saħħa, il-kultura, eċċ.. Peress li huma l-eqreb għaċ-ċittadini, huma jipperċepixxu aħjar l-eżiġenzi taċ-ċittadini u jistgħu jagħtu iżjed attenzjoni għat-tibdil fl-istruttura soċjali u demografika tagħhom. Huma jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-kwalità ta’ ħajjet in-nies, filwaqt li jqisu l-interessi u l-prijoritajiet tagħhom, u b’hekk jinħoloq valur miżjud Ewropew inkontestabbli;

7.

jenfasizza, għalhekk, li l-politika reġjonali u d-dimensjoni reġjonali tal-politika ta’ koeżjoni mhux biss jipprovdu effett dirett tanġibbli għaċ-ċittadini, li jagħti tifsira ikbar lill-UE f’għajnejn iċ-ċittadini tagħha, u juri l-benefiċċji reali tagħha għall-ħajjithom u jgħin biex jiġu eliminati d-disparitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi, iżda b’mod partikolari joħolqu l-kundizzjonijiet bażiċi għall-implimentazzjoni ta’ politiki oħrajn tal-UE. Il-Kumitat għalhekk iqis li huwa essenzjali li l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni reġjonali nnifisha għandha titqies bħala valur miżjud Ewropew inkontestabbli, bħalma, pereżempju, l-appoġġ għax-xjenza u r-riċerka minnu nnifsu huwa meqjus bħala valur miżjud Ewropew. Konsegwentement, fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni reġjonali m’għandux ikun hemm il-ħtieġa li jintwera valur miżjud Ewropew għal tipi individwali ta’ attivitajiet jew saħansitra proġetti; pjuttost għandu jiġi kkunsidrat il-kontribut tagħha b’mod ġenerali, fid-dawl ta’ sinerġiji orizzontali u vertikali;

8.

jinnota li, sabiex titjieb il-perċezzjoni taċ-ċittadini tal-politika ta’ koeżjoni u tal-UE, il-proġetti li huma implimentati bħala parti minn din il-politika jridu jkunu ta’ benefiċċji reali għaċ-ċittadini u li jirriflettu l-ħtiġijiet tagħhom. Il-politika ta’ koeżjoni reġjonali għalhekk għandha tiġi stabbilita għal kull tip ta’ insedjament, mill-komunitajiet sar-reġjuni, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi, u għandha tqis is-sitwazzjoni fil-post kif ukoll il-potenzjal u l-ħtiġijiet tal-insedjament f’termini ta’ żmien, kundizzjonijiet u l-post fejn jinsab. Għalhekk, għandu jiġi adottat approċċ minn isfel għal fuq u l-potenzjal ta’ approċċ integrat u sinerġiji reċiproċi għandu jintuża kemm jista’ jkun. Il-livell reġjonali u lokali u ż-żoni funzjonali mifruxin fuq diversi żoni amministrattivi jew ta’ statistika għandhom jaqdu rwol ewlieni fil-proċess tal-ksib ta’ sinerġiji u integrazzjoni (b’kunsiderazzjoni tar-rabtiet loġiċi ma’ reġjuni ġirien u l-interessi jew ir-rekwiżiti ta’ unitajiet territorjali aktar baxxi), peress li jikkombinaw iċ-ċarezza tal-ippjanar u l-istrateġiji mal-għarfien tal-kundizzjonijiet lokali;

9.

jenfasizza li hemm valur miżjud Ewropew inkontestabbli mill-perspettiva taċ-ċittadini tal-UE, li huwa li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja fl-insedjamenti u fl-UE kollha kemm hi. It-titjib tal-kwalità tal-ħajja fl-insedjamenti hija prerekwiżit għal implimentazzjoni b’suċċess tal-politiki l-oħra kollha tal-UE. Dan il-valur miżjud Ewropew jista’ biss jiġi indirizzat sa ċertu punt b’approċċ settorjali, iżda jista’ jiġi indirizzat b’mod effettiv ħafna bi prijoritajiet orizzontali reġjonali, bħall-kwalità tal-ħajja fl-insedjamenti (jiġifieri l-mobbiltà lokali u reġjonali, b’mod partikolari l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, l-impjieg u l-impjegabbiltà, is-servizzi soċjali u kulturali, l-inklużjoni u l-integrazzjoni, is-sigurtà, eċċ.) u l-komunitajiet intelliġenti, l-użu tal-potenzjal ekonomiku u mhux ekonomiku lokali, eċċ. L-implimentazzjoni tal-prijoritajiet settorjali biex jiġu indirizzati l-aktar prijoritajiet importanti mill-perspettiva taċ-ċittadini, tista’ tipproduċi biss effetti limitati, u fil-fatt hekk hu. Peress li dawn mhumiex adattati għall-kundizzjonijiet lokali, ta’ spiss iqajmu dubji (f’ħafna każijiet ġustifikati) fost iċ-ċittadini dwar il-benefiċċji mhux għalihom innifishom biss iżda għall-UE kollha kemm hi. Għalhekk, sabiex jiġi indirizzat dak li jirrappreżenta valur miżjud Ewropew tanġibbli għaċ-ċittadini tal-UE, huwa biss approċċ territorjali integrat ibbażat fuq il-kundizzjonijiet lokali li jista’ jintuża b’mod effettiv, għall-kuntrarju ta’ approċċ settorjali jew nazzjonali;

10.

ifakkar li s-7 Rapport ta’ Koeżjoni ppubblikat fl-2017 juri żieda fl-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni, inklużi fi ħdan ir-reġjuni l-aktar sinjuri. L-ITI huma għodda li ma jintużawx biżżejjed biex tiġi indirizzata l-isfida li jiġu kkoreġuti dawn id-differenzi. L-esperjenza tal-2014-2020 uriet li l-ITI u l-għodod ta’ żvilupp lokali użati mill-komunità jistgħu jintużaw biex jgħinu dawk iż-żoni urbani jew rurali l-aktar f’diffikultà. Fil-fatt, f’ċerti reġjuni Ewropej, l-implimentazzjoni tal-ITIs u d-distribuzzjoni tal-fondi tal-FEŻR kienu bbażati fuq indikaturi tal-qgħad u l-attività ekonomika. It-territorji l-aktar f’diffikultà rċevew aktar fondi minn dawk ir-reġjuni aktar sinjuri. Din il-loġika ta’ ekwità interreġjonali hija kruċjali sabiex l-ebda territorju ma jitħalla lura fit-tkabbir globali;

11.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport “Strateġiji territorjali u urbani integrati: l-FSIE kif qed iżidu l-valur fl-2014-2020?” (1) ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru 2017 u jaqbel mal-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport. Minn dan ir-rapport, il-KtR jixtieq jenfasizza l-punti li ġejjin b’mod partikolari li jikkorrispondu mal-esperjenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sa issa:

L-ITI għandhom il-potenzjal li jimmiraw il-ħtiġijiet u l-problemi ta’ żvilupp, u jfasslu risponsi minn isfel għal fuq bl-involviment attiv taċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet lokali biex jiżguraw li “l-ebda persuna jew reġjun ma jitħalla jaqa’ lura”. Għandhom ukoll il-potenzjal li jwieġbu għal xokkijiet lokalizzati jew żviluppi mhux mistennija permezz ta’ pakketti integrati li jipprovdu għal pjani ta’ azzjoni.

L-istrateġiji urbani u territorjali huma turija ċara tal-politika ta’ koeżjoni fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta’ approċċi bbażati lokalment għall-iżvilupp reġjonali u urban, u jħeġġu pakketti ġeografiċi speċifiċi ta’ interventi li ġew imfassla b’konformità mal-fehmiet tal-partijiet interessati iżda li jissodisfaw ukoll l-objettivi ġenerali tal-UE kif ukoll ta’ “valur miżjud” għall-UE” u l-flessibbiltà.

L-istrateġiji jirrappreżentaw żvilupp integrat – huma fuq diversi setturi, b’diversi msieħba u (f’numru kbir ta’ każijiet) b’diversi fondi. Huma jinkoraġġixxu kooperazzjoni vertikali u orizzontali, l-integrazzjoni territorjali u l-kondiviżjoni tal-għarfien. Filwaqt li hemm diskussjoni fit-tul u għadha għaddejja fil-livell tal-UE dwar kif għandhom jiġu promossi kooperazzjoni u integrazzjoni aħjar fis-setturi ta’ politika kollha u bejn l-awtoritajiet, l-integrazzjoni ta’ interventi ġeneralment hija prattika u tista’ tintlaħaq l-iżjed fil-livell lokali.

L-ITIs joffru livell sinifikanti ta’ innovazzjoni istituzzjonali fil-qasam tal-iżvilupp reġjonali u urban u joħolqu relazzjonijiet ġodda jew metodi ta’ tħaddim. Il-proċess tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija ħeġġeġ jew kien jeħtieġ metodi ġodda ta’ ħidma, ħsieb u kollaborazzjoni. F’ħafna każi, joħloq ukoll kooperazzjoni u netwerks bejn id-diversi ċentri/oqsma.

L-investimenti territorjali integrati u l-perjodu ta’ programmazzjoni attwali

12.

jafferma li l-investiment territorjali integrat (ITI) jidher li huwa strument effettiv fl-ambitu kollu tiegħu għall-implimentazzjoni ta’ approċċ ibbażat lokalment u li diġà ntuża f’ħafna Stati Membri fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali f’firxa ta’ ċirkostanzi u f’diversi forom, jiġifieri mill-Investiment Territorjali Integrat reġjonali sal-agglomerazzjonijiet urbani (ITI urbani tal-“Artikolu 7”), flimkien ma’ għodod integrati oħra bħalma huma l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) u għodod territorjali integrati oħra;

13.

jilqa’ l-fatt li matul il-preparamenti tal-perjodu ta’ programmzzjoni attwali, ġiet ippubblikata sensiela ta’ dokumenti ta’ kwalità għolja li enfasizzaw il-fatt li għandu jiġi adottat approċċ territorjali integrat, ibbażat fuq il-kundizzjonijiet lokali li jinbidlu maż-żmien, sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-fondi tal-UE u biex issir enfasi ikbar fuq ir-riżultati tal-proġetti. Dawn id-dokumenti jipproponu prinċipji attwali għal approċċ u l-implimentazzjoni. Sfortunatament, dawn il-prinċipji madankollu mhux dejjem ġew implimentati b’mod sistematiku u fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali kien prevalenti approċċ nazzjonali u settorjali ħafna, li jista’ jfisser anqas xogħol amministrattiv għall-Kummissjoni Ewropea iżda ma jiksibx l-effett meħtieġ fir-reġjuni speċifiċi u għal ċittadini speċifiċi tal-UE, kif joħroġ fid-dieher b’mod ċar mid-dibattiti reċenti dwar il-qagħda tal-politika ta’ koeżjoni;

14.

jikkunsidra li l-aktar dokument importanti minn fost dawk imsemmija hawn fuq huwa “An Agenda for a Reformed Cohesion Policy – A place-based approach to meeting European Union challenges and expectations” (Aġenda għal politika tal-koeżjoni riformata – approċċ ibbażat fuq il-post sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u l-istennijiet tal-Unjoni Ewropea), magħruf bħala r-Rapport ta’ Barca, li ġie ppubblikat f’April 2009. Dan jenfasizza l-approċċi territorjali integrati u bbażati lokalment bħala l-pedament biex terġa’ tingħata ħajja lill-politika ta’ koeżjoni, u jappella għal strateġija tal-iżvilupp ibbażata fuq il-post immirata lejn objettivi fundamentali kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali;

15.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea (DĠ REGIO) fasslet ukoll dokument tajjeb ħafna f’kollaborazzjoni ma’ esperti, intitolat “Scenarios for Integrated Territorial Investment” (Xenarji għall-Investiment Territorjali Integrat), li ġie pubblikat f’Jannar 2015 u jippreżenta erba’ xenarji għall-implimentazzjoni ta’ investiment territorjali integrat ibbażat fuq diversi kundizzjonijiet u karatteristiċi territorjali. Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali l-proposti stabbiliti f’dan id-dokument ġew applikati b’mod limitat biss, fost l-oħrajn minħabba li ġie ppubblikat tard (mhux qabel l-2015). Ikun utli li dan jittieħed bħala punt ta’ tluq għad-dibattiti dwar il-futur tal-investimenti territorjali integrati;

16.

jilqa’ l-fatt li 20 Stat Membru ħadu sehem volontarjament fl-implimentazzjoni tal-ITI fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali. Sfortunatament, xi pajjiżi użaw l-ITI biss fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament FEŻR, li jistipula li mill-inqas 5 % tal-allokazzjonijiet nazzjonali tal-FEŻR taħt il-mira tal-“Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi” għandha tkun riżervata għal strateġiji ta’ żvilupp urban integrat, mingħajr ma kkunsidraw biżżejjed il-ħtiġijiet attwali fil-livell lokali u reġjonali. Għadd sinifikanti ta’ Stati Membri wżaw ukoll l-għodda b’mod usa’ (l-ITI “tematiċi” implimentati skont l-Artikolu 36 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni). Dan il-potenzjal importanti għall-investiment integrat jista’ jkun ottimizzat fil-futur billi jitkomplew jintużaw l-eżempji eżistenti ta’ prattika tajba u billi l-istrument ikompli jiġi adattat għall-ħtiġijiet diversi lokali u reġjonali, waqt li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet magħmula f’din l-Opinjoni;

17.

jiddispjaċih li kien hemm dewmien konsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-approċċi territorjali integrati u li din l-għodda għadha ma rnexxilhiex tipproduċi s-sinerġiji kollha li tista’ u għandha tipproduċi. Madankollu, dan ma jistax u m’għandux jiġi estrapolat biex jiġi suġġerit li l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE permezz ta’ investiment territorjali integrat mhijiex effettiva. Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-kumplikazzjonijiet u n-nuqqas ta’ ċarezza, il-fatt li din l-għodda – bis-saħħa tal-isforzi kbar tal-persunal tal-partijiet interessati kollha – tnediet u qed tagħti riżultati b’impatt pożittiv reali fuq it-territorju u ċ-ċittadini tagħha hija prova tal-potenzjal tagħha. Barra minn hekk, il-Kumitat jenfasizza l-valur miżjud li ġabu magħhom l-approċċi territorjali integrati fejn dawn servew ta’ lieva għall-bini tal-kapaċità f’ċerti kuntesti, u ffaċilita approċċ territorjali integrat u l-governanza f’diversi livelli fejn dan qabel ma kienx jeżisti.

Kif ħareġ fid-dieher mill-workshop dwar l-istat tal-iżvilupp urban sostenibbli u l-ITI li sar fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fl-2017 (2), l-akbar diffikultajiet fl-introduzzjoni tal-ITI fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali huma:

il-pubblikazzjoni tardiva tal-“Guidance for Member States on Integrated Sustainable Urban Development (Article 7 ERDF Regulation)” (Gwida għall-Istati Membri dwar l-Iżvilupp Urban Sostenibbli Integrat (Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEŻR), li l-Kummissjoni Ewropea ma ppubblikatx qabel Mejju 2015. Kien biss abbażi ta’ dan id-dokument li bdiet tiġi żviluppata l-arkitettura meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-ITI fl-Istati Membri, bid-delimitazzjoni tal-agglomerazzjonijiet u l-identifikazzjoni tal-proċeduri għall-approvazzjoni tad-dokumenti ta’ politika dwar l-iżvilupp urban, kif ukoll ta’ dawk id-dokumenti ta’ politika nnifishom. Huwa biss wara dan l-istadju li seta’ jibda l-ippjanar ta’ proġetti individwali;

il-problema ewlenija tal-implimentazzjoni u t-tfassil ta’ dokumenti ta’ politika għaż-żoni urbani fir-rigward tal-ITI kienet li, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, il-programmi operattivi, kif ukoll l-indikaturi u s-sistemi ta’ ġestjoni tagħhom kienu diġà ġew approvati fil-bidu tal-fażi ta’ tħejjija għall-implimentazzjoni tal-investimenti territorjali integrati, mingħajr ma kkunsidraw l-investimenti territorjali integrati. L-istrateġiji urbani għalhekk kellhom jadattaw għad-diversi programmi operattivi u l-indikaturi li kienu diġà jeżistu, u b’hekk il-flessibbiltà u l-effett reali ta’ sinerġija tagħhom kienu limitati b’mod konsiderevoli;

f’ċerti każijiet, ma saritx l-allokazzjoni obbligatorja tar-riżorsi tal-programmi operattivi għall-investimenti territorjali integrati, u b’hekk il-kunċett kollu tal-implimentazzjoni u l-ksib ta’ effetti ta’ sinerġija permezz tal-investimenti territorjali integrati sar inutli;

id-dewmien fl-implimentazzjoni u l-ħolqien ta’ strutturi kkumplikati għalxejn għall-implimentazzjoni tal-investimenti territorjali integrati fejn, anke fil-livell taż-żoni urbani, ikun hemm bżonn li jinħolqu korpi intermedjarji nkarigati mill-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-proġetti, mentri l-għażla ġenwina tal-proġetti sseħħ fil-biċċa l-kbira fil-livell tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni ta’ kull programm operattiv. Dawn l-istrutturi jidhru sproporzjonati f’xi każijiet kemm mil-lat tal-ammont żgħir ta’ riżorsi allokati għall-investimenti territorjali integrati kif ukoll mil-lat tas-setgħat limitati ħafna ta’ dawn il-korpi intermedjarji jew id-duplikazzjoni possibbli ta’ azzjoni. Strutturi ta’ implimentazzjoni daqshekk kumplessi jikkumplikaw għalxejn il-proċedura kollha f’każijiet bħal dawn.

Fil-proċess ta’ implimentazzjoni, il-kompiti u s-setgħat tal-korpi responsabbli għall-għażla tal-operazzjonijiet (kif definiti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEŻR) mhumiex ikkunsidrati biżżejjed. Meta strateġiji territorjali integrati għal żvilupp urban sostenibbli jiġu implimentati f’żona funzjonali li taqbeż il-konfini urbani uffiċjali, il-pożizzjoni tal-awtoritajiet sottoreġjonali li jkunu qed joperaw fuq il-bażi ta’ sħubija wiesgħa ta’ partijiet interessati fiż-żona u fuq il-bażi ta’ governanza f’diversi livelli, fil-maġġoranza, mhijiex imnaqqxa tajjeb fil-liġi.

Il-workshop enfasizza wkoll l-aspetti pożittivi, b’mod partikolari r-riżorsi fissi għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji, kif ukoll il-ħolqien ta’ sinerġiji bejn il-proġetti u, fuq kollox, li jikkonċernaw il-kwistjonijiet fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet u l-potenzjal lokali, jiġifieri l-applikazzjoni ġenwina ta’ approċċ ibbażat lokalment;

It-triq ’il quddiem wara l-2020 — proposti għall-perjodu ta’ programmazzjoni futur

18.

jikkunsidra li sabiex inkunu nafu kif l-aħjar nimplimentaw l-investimenti territorjali integrati wara l-2020, jeħtieġ li nibbażaw fuq l-esperjenzi miksuba mill-implimentazzjoni tagħhom s’issa. Madankollu ma nistgħux nikkuntentaw b’modifika tas-sistema fakultattiva attwali tal-implimentazzjoni tal-investimenti territorjali integrati għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss. L-esperjenza attwali għandha tiġi kkunsidrata bħala r-riżultati sperimentali ta’ proġetti pilota li għandhom jintużaw bħala bażi biex il-politika ta’ koeżjoni tal-UE tiġi trasformata b’mod ġenwin f’politika bbażata fuq l-iżvilupp reġjonali u fuq approċċ territorjali integrat u bbażat fuq il-post, li tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal ta’ reġjun u tindirizza l-problemi u l-isfidi ekonomiċi u soċjali tiegħu, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE u tal-UE kollha;

19.

jipproponi li d-dokument dwar “Xenarji għall-investiment territorjali integrat” jkun il-bażi tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss u li jiġi applikat bl-aktar mod estensiv possibbli. L-approċċ tal-ITI għandu jiġi sfruttat aktar bis-sħiħ lil hinn miż-żoni urbani, fejn huwa użat l-aktar ta’ spiss issa, u jiġi implimentat b’mod usa’ f’żoni rurali u funzjonali definiti b’modi differenti fuq il-bażi ta’ kundizzjonijiet lokali, kif deskritti fl-erba’ xenarji stabbiliti f’dak id-dokument. Huwa importanti ħafna li l-istrument tal-investiment territorjali integrat jiġi applikat għaż-żoni funzjonali peress li meta jiġu pprovduti b’appoġġ immirat, ibbażat fuq strateġija minn isfel għal fuq, dan jista’ jkun partikolarment effiċjenti u produttiv mil-lat tal-ħolqien ta’ sinerġiji bejn ir-riżorsi endoġeni u s-sorsi esterni ta’ finanzjament. L-Istati Membri kollha għandhom ikunu obbligati li jippermettu l-implimentazzjoni tal-investiment territorjali integrat fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, biex l-ITI jkunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal tagħhom u jsiru l-għodda prinċipali għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni reġjonali tal-UE, u dejjem abbażi tal-prinċipju tas-sħubija, u b’hekk jiġu żgurati l-kontribut u l-parteċipazzjoni adatti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-istrateġiji;

20.

jipproponi wkoll li meta jitfasslu strateġiji integrati globali, dawn ikunu bbażati fuq żoni funzjonali u loġiċi li m’għandhomx ikunu ikbar mir-reġjuni NUTS III, sakemm ir-rabtiet loġiċi fi ħdan territorju partikolari ma jiffurmawx unità funzjonali differenti fi ħdan liema l-istrateġija tista’ tiġi implimentata b’mod iktar effettiv. Dan ma jfissirx li l-awtoritajiet tan-NUTS III jew reġjuni simili għandhom ikunu wkoll l-uniku korp ta’ ġestjoni għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-ITI jew li f’dan it-territorju għandu jkun hemm biss strateġija integrata waħda. Għall-kuntrarju, il-Kumitat iqis opportun li jinħolqu, skont ir-realtajiet lokali u funzjonali u r-rabtiet loġiċi, strateġiji ta’ investiment territorjali integrat individwali għal tipi differenti ta’ territorji fi ħdan l-unità funzjonali msemmija qabel, iżda li l-eżiti u l-impatti tagħhom għandhom jiġu armonizzati f’dan il-livell. Din l-armonizzazzjoni għandha tippermetti wkoll li jinħolqu rabtiet tematiċi loġiċi ma’ reġjuni ġirien u jitqiesu l-interessi jew ir-rekwiżiti ta’ unitajiet territorjali aktar baxxi. Madankollu, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-istrateġiji għandhom isiru b’tali mod li jiġi massimizzat l-effett u fuq kollox għandhom ikunu fuq bażi volontarja u jirrispettaw il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkostanzi lokali;

21.

jirrakkomanda b’mod qawwi li r-riżorsi kollha ddedikati għall-ITI jiġu kkonċentrati, jekk huwa possibbli, fi programm operattiv wieħed b’diversi fondi, sabiex l-ITIs individwali jkunu jikkorrespondu dejjem għal programm operattiv wieħed – fi kliem ieħor li l-korpi individwali li jimplimentaw l-ITI għandhom jikkomunikaw ma’ awtorità tal-ġestjoni waħda tal-programm operattiv. Fil-verità, l-ITIs ikollhom valur miżjud ħafna aktar ogħla meta jkunu multifinanzjati. Sett komuni ta’ regoli li jintegra l-investimenti mill-FEŻR, il-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni u dawk il-partijiet tal-FAEŻR relatati mal-iżvilupp rurali ġenerali ikun l-aktar mod effiċjenti biex jiġu implimentati l-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni. Jekk l-idea li l-ITIs jintrabtu ma’ programm operattiv wieħed ma tiġix adottata għall-perjodu li jmiss ta’ programmazzjoni, ikun hemm il-bżonn li jiġi evitat li jinħolqu rabtiet ikkumplikati ma’ programmi operattivi settorjali individwali. Il-KtR huwa favur programmi b’fondi differenti implimentati fil-livell reġjonali. Il-programm operattiv li minnu jagħmel parti l-ITI loġikament għandu jkun multifinanzjat. Biex jinkisbu effetti ta’ sinerġija akbar, madankollu, l-istrument tal-ITI għandu jitħalla, fejn hu rilevanti, jistabbilixxi rabtiet funzjonali ma’ programmi operattivi oħra u ma’ strumenti oħra (bħall-Orizzont u l-FEIS). Il-korpi ta’ implimentazzjoni tal-ITI fil-livelli kollha għandhom jingħataw flessibilità massima fir-rigward tal-ksib tal-għanijiet; Il-possibbiltà li jinħatar Fond ewlieni għall-assistenza teknika tista’ tiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni operattiva ta’ diversi fondi.

22.

josserva li, meta jiġi implimentat ITI, għandhom jiġu kkunsidrati l-indikaturi tal-produttività u l-prestazzjoni adattati għall-għan aħħari tal-Investiment Territorjali Integrat. Għalhekk, huma essenzjali indikaturi speċifiċi għal dan l-istrument ta’ programmazzjoni u, għaldaqstant, matul il-fażi tat-tfassil tal-programmi operattivi, l-awtoritajiet reġjonali għandhom ikunu jistgħu jipprovdu l-indikaturi tagħhom stess, li jiġu vvalutati mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-miżuri proposti, l-indikaturi tal-kejl u l-għan tal-ITI jikkorrispondu għal xulxin. Bl-istess mod, ta’ min jinnota li, xi minn daqqiet jinqalgħu diffikultajiet legali (ara s-sistema tal-għajnuna mill-Istat) minħabba diskriminazzjoni pożittiva fil-konfront tal-ambitu oġġettiv u soġġettiv tal-ITI b’rabta, pereżempju, mal-prinċipji tal-kompetizzjoni miftuħa;

23.

jirrakkomanda wkoll li d-deżinjazzjoni taż-żoni tal-ITI, u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni, l-għanijiet u l-allokazzjonijiet baġitarji jiġu definiti minn qabel fil-ftehimiet ta’ sħubija (jew dokumenti simili li jiddefinixxu r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-UE fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss) u fil-programmi operattivi korrespondenti li għandhom ikunu wkoll obbligatorji. Fl-istess ħin, meta jiġi approvat il-programm operattiv rilevanti, kull korp involut fl-implimentazzjoni tal-investimenti territorjali integrati għandu jiddiskuti u japprova, flimkien mal-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operattiv, ftehim mal-Kummissjoni (ftehim tripartitiku dirett bejn il-korpi li jwettqu l-investimenti territorjali integrati, l-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operattiv u l-Kummissjoni huwa essenzjali għal implimentazzjoni b’suċċess). Dan il-ftehim għandu jispeċifika l-metodi ta’ implimentazzjoni u jistabbilixxi indikaturi li jiffukaw fuq l-impatt reali tal-istrateġija tal-ITI fir-reġjun ikkonċernat. F’pajjiżi fejn il-prinċipju ta’ sħubija mhuwiex stabbilit sew u huwa biss superfiċjali, il-Kummissjoni Ewropea għandha tgħin biex toħloq relazzjonijiet ibbażati fuq sħubija tajba, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ITI.

24.

jinnota li mill-esperjenza reċenti bl-implimentazzjoni mhux biss tal-investimenti territorjali integrati iżda wkoll tal-FEIS fil-livell reġjonali b’mod ġenerali joħroġ fid-dieher li, biex jiġu garantiti l-istabbiltà u l-impatt sussegwenti, il-ġestjoni u l-finanzjament tal-investimenti territorjali integrati għandhom jitwettqu abbażi ta’ għotja globali li tiddefinixxi b’mod preċiż l-objettivi, l-indikaturi, ir-riżorsi u r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni. Madankollu, din l-għotja globali m’għandhiex titqies bħala sors ta’ fondi biex jintużaw b’mod volontarju, iżda għandha tkun marbuta b’mod ċar mal-kisba tal-objettivi u l-indikaturi stabbiliti individwalment għal kull strateġija tal-ITI bħala parti min-negozjati tal-programm operattiv rilevanti. L-Iskema tal-Għotja Globali għandha tiggarantixxi prevedibbiltà u sigurtà tar-riżorsi għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-ITI u b’dan il-mod tippermetti wkoll il-kombinament flessibbli ta’ din ir-riżorsa finanzjarja ma’ għodod oħra nazzjonali u tal-UE (eż. il-FEIS u l-Orizzont) u r-riżorsi proprji. Dan għandu l-għan li jiġi żgurat li jkun hemm approċċ strateġiku ġenwin bħala parti mill-implimentazzjoni tal-investimenti territorjali integrati u li tkun tista’ tintlaħaq l-integrazzjoni massima possibbli tar-riżorsi u l-akbar sinerġiji fi ħdan is-sottoreġjuni, kif ukoll bejn it-territorji fi ħdan reġjun;

25.

josserva li l-implimentazzjoni ta’ ITI għandha twassal għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-programmi operattivi. Il-komplementarjetà ma timplikax finanzjament akbar għall-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument ta’ programmazzjoni. Għandu jiġi kkunsidrat il-prinċipju tal-“inċentivi minflok sanzjonijiet”, sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet mil-lat tar-rati ta’ kofinanzjament biex jiġu koperti dawk l-ispejjeż ta’ investiment marbutin direttament mal-għan tal-ITI;

26.

jirrakkomanda wkoll li l-korpi ta’ implimentazzjoni li jwettqu l-ITI għandhom ikunu riżervati esklużivament għall-awtoritajiet lokali u reġjonali f’livelli differenti, l-assoċjazzjonijiet tal-muniċipalitajiet u l-kunsilli tal-iżvilupp lokali maħluqin fid-dawl tad-dispożizzjonijiet leġislattivi, l-Ewrorweġjuni u l-korpi ta’ kooperazzjoni territorjali interreġjonali, peress li huma biss jistgħu jiżguraw li l-istrateġiji jiġu implimentati. Għandhom jingħataw flessibbiltà massima kemm fl-għażla tal-attivitajiet u l-interventi meħtieġa għall-ksib tal-objettivi kif ukoll fil-livell u l-enfasi tal-appoġġ, sabiex ikunu jistgħu jikkombinaw b’mod effettiv ir-riżorsi proprji, tal-UE, nazzjonali u tas-settur privat bil-għan li jiksbu l-akbar effett ta’ sinerġija possibbli għall-istrateġija. Matul it-twettiq tal-istrateġija, għandhom ikunu jistgħu jimmodifikaw il-livell u l-enfasi tal-appoġġ skont il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi li jinbidlu tar-reġjun, sabiex l-objettivi jinkisbu bl-aktar mod effettiv possibbli u jiġi massimizzat il-valur miżjud Ewropew. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea tintalab tipprovdi ċertezza legali għal kwistjonijiet ta’ responsabbiltà fl-użu tal-ITI permezz ta' linji gwida ċari;

27.

huwa tal-fehma li huwa essenzjali li jsir iżjed minn sempliċi raggruppament tal-proġetti kofinanzjati minn fondi differenti u tiġi segwita strateġija ġenwina ta’ ġestjoni integrata adegwata. Josserva, f’dan ir-rigward, li sabiex jiġi żgurat li l-ITI jkunu iżjed effiċjenti u effettivi, jinħtieġ appoġġ akbar u linji gwida prattiċi biex tinftiehem aħjar l-għodda, u biex jitfasslu u jiġu implimentati aħjar l-istrateġiji, u b’hekk jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ta’ dan l-istrument. Għal dan il-għan, jirrakkomanda li tiġi vvaluatata l-possibbiltà li titwaqqaf struttura speċifika ta’ appoġġ permanenti għar-reġjuni li huma interessati li jużaw din l-għodda u li tinforma, tipprovdi konsulenza, u tippromovi l-iskambju tal-aħjar prattiki;

28.

bħala konklużjoni, jinnota li t-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tal-għodda tal-ITI għall-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ wara l-2020 għandhom jitniedu immedjatament wara l-pubblikazzjoni tal-abbozz ta’ leġislazzjoni li jmiss dwar il-Fondi SIE għal wara l-2020 ħalli l-strateġiji individwali tal-ITI jiġu abbozzati u diskussi fid-dettall maċ-ċittadini u ma’ partijiet interessati oħra qabel l-ewwel diskussjonijiet tal-programmi operattivi mal-Kummissjoni Ewropea. Dan huwa għaliex approċċ minn isfel għal fuq huwa ħafna aktar parteċipattiv u aktar ikkumplikat u jeħtieġ aktar żmien biex jiġi negozjat minn approċċ minn fuq għal isfel. L-implimentazzjoni tal-għodda tal-ITI għandha tiġi inkorporata fl-abbozz ta’ leġislazzjoni dwar il-Fondi SIE għal wara l-2020 u fl-abbozzi ta' baġits, li ser isostnu l-politika ta’ koeżjoni futura.

Brussell, l-1 ta' Frar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/studies/pdf/integrated_strategies/integrated_strategies_en.pdf.

(2)  li kien propost mir-Reġjun ta’ Murcia u organizzat b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea fil-qafas tal-għodda TAIEX REGIO PEER 2 PEER (għodda maħsuba għall-promozzjoni tal-iskambju tal-għarfien u l-prattiki tajba bejn korpi li jiġġestixxu fondi taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni, biex b’hekk titjieb il-kapaċità amministrattiva tagħhom u jiġu żgurati riżultati aħjar b’rabta mal-investimenti tal-UE).


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-127 sessjoni plenarja tal-KtR, 31.1.2018–1.2.2018

23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/46


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Inizjattiva għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu fil-Punent tal-Mediterran

(2018/C 176/11)

Relatur:

Samuel Azzopardi (MT/PPE), Sindku ta’ Rabat Città Victoria, Kunsill Lokali, Għawdex

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Inizjattiva għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu fil-punent tal-Mediterran

COM(2017) 183 final, SWD(2017) 130 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-komunikazzjoni u d-dokument mehmuż magħha Qafas għal Azzjoni – Inizjattiva għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu fil-punent tal-Mediterran, adottati fid-19 ta’ April 2017 mill-Kummissjoni Ewropea;

2.

jappoġġja l-miżuri proposti biex jiġi żgurat ambjent marittimu sikur, sigur u nadif, governanza aħjar tal-baħar u oċeani mmaniġġjati b’mod sostenibbli;

3.

ifakkar u jappoġġja bis-sħiħ id-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Unjoni għall-Mediterran dwar l-Ekonomija Blu fejn il-pajjiżi parteċipanti ġew mistiedna u mħeġġa jesploraw il-valur miżjud u l-fattibilità ta’ strateġiji marittimi adatti fil-livell sottoreġjonali, u jibnu fuq l-esperjenza tad-Djalogu 5+5. F’Ottubru 2016, il-ministri għall-affarijiet barranin tal-Alġerija, Franza, l-Italja, il-Libja, Malta, il-Mawritanja, il-Marokk, il-Portugall, Spanja u t-Tuneżija ħeġġew aktar ħidma fuq inizjattiva għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu, flimkien mas-Segretarjat tal-Unjoni għall-Mediterran (1);

4.

jinnota li l-inizjattiva tirrikonoxxi l-fatt li, sal-lum, il-kooperazzjoni bejn iż-żewġt ixtut għadha limitata u jsostni li hemm lok għal titjib.

5.

jirrikonoxxi li r-reġjun joffri opportunitajiet ekonomiċi konsiderevoli, u huwa magħruf għall-portijiet attivi u għadd kbir ta’ turisti minħabba l-wirt kulturali tiegħu, u dan jista’ jkompli jiġi sfruttat b’mod sostenibbli;

6.

jirrikonoxxi li l-Baħar Mediterran huwa strateġikament pożizzjonat, ġeografikament jinsab fil-punt fejn jiltaqgħu tliet kontinenti, jiġifieri l-Ewropa, l-Afrika u l-Asja. Il-Baħar Mediterran minn dejjem kien ċentru kulturali u kummerċjali bejn pajjiżi ġirien u lil hinn;

7.

jirrikonoxxi li dan il-baċir huwa magħruf għall-bijodiversità u għal għadd kbir ta’ żoni protetti tal-baħar;

8.

ifakkar, fost l-oħrajn, l-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Lejn Politika Marittima Integrata” (2), dwar l-ippjanar spazjali marittimu u l-ġestjoni integrata tal-kosta (3), u dwar protezzjoni aħjar tal-ambjent tal-baħar kif ukoll l-Opinjoni tiegħu “Stadju ġdid għall-politika Ewropea ta’ tkabbir blu” (4);

9.

huwa mħasseb dwar il-fatt li r-reġjun tal-Mediterran huwa ferm affettwat mit-tibdil fil-klima (5);

10.

jirrikonoxxi li r-reġjun huwa wkoll assoċjat ma’ livell għoli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, mal-instabbiltà politika kif ukoll ma’ problemi serji ta’ migrazzjoni, li kollha għandhom l-effett li jagħmlu ħsara lill-prospetti tal-ekonomija tar-reġjun;

11.

filwaqt li jappoġġja l-enfasi primarja tal-inizjattiva fuq is-sottobaċir max-xaqliba tal-punent tal-Baħar Mediterran, jirrimarka li din ma teskludi bl-ebda mod il-possibbiltà tal-estensjoni tal-potenzjal u tal-għanijiet tagħha lejn sottobaċiri oħrajn tal-Mediterran;

12.

jinnota li filwaqt li hemm rieda politika reali biex jissolvew sfidi ambjentali, tas-sajd u tal-akkwakultura, ir-reġjun għadu nieqes minn għarfien adatt, disseminazjoni kif ukoll tfassil ta’ politika trasversali bbażat fuq l-evidenza. Għad hemm ħafna nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u l-infurzar, b’mod partikolari fil-livelli nazzjonali u lokali (6);

13.

jenfasizza li r-reġjun huwa soġġett b’mod konsistenti għal sfidi umanitarji minħabba l-influss ta’ migranti irregolari li jaqsmu mill-Afrika u l-Lvant Nofsani lejn pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa u dan jolqot direttament lir-reġjuni marittimi mal-fruntieri;

14.

jirrealizza li t-traffiku marittimu huwa wkoll sfida f’ċerti żoni tal-baċir, li ma tistax tiġi injorata fid-dawl tal-fatt li l-inizjattiva, dejjem f’konformità ma’ kriterji ta’ rispett tal-ambjent u l-bijodiversità, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà, timmira għal aktar attività ekonomika, li jista’ jwassal għal żieda tat-traffiku marittimu;

15.

jinnota li r-reġjun tal-Punent tal-Mediterran ibati minn rati ta’ qgħad għoljin fost iż-żgħażagħ; fl-istess waqt, diversi setturi tal-industrija jsibuha iebsa li jsibu ħaddiema bil-kwalifiki u l-ħiliet meħtieġa;

16.

jilqa’ b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni ssemmi approċċ minn isfel għal fuq, li huwa l-iżjed adatt għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u r-reġjun fl-azzjonijiet previsti mill-inizjattiva;

Għan 1 – Spazju marittimu aktar sikur

17.

iqis li sakemm huma effettivament implimentati u infurzati miżuri ta’ sikurezza u sigurtà b’mod adegwat fir-reġjun, l-ekonomija blu ma tistax topera b’mod sostenibbli u effettiv. Għaldaqstant, huwa jirrakkomanda li l-awtoritajiet reġjonali fuq iż-żewġt ixtut jagħmlu kull sforz possibbli biex jikkooperaw u jtejbu b’mod effettiv is-sitwazzjoni attwali;

18.

jinsab imħasseb li sal-lum il-“kooperazzjoni bejn il-gwardji tal-kosta maż-żewġt ixtut tibqa’ limitata u r-rispons fil-mument għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fil-baħar għad irid jitjieb” (7); u jaqbel mal-azzjonijiet maħsuba biex jippromovu kooperazzjoni bejn il-gwardji tal-kosta maż-żewġt ixtut, b’mod partikolari billi jiġu indirizzati lakuni eżistenti fil-ħiliet fis-sigurtà marittima; jaħseb li huwa tajjeb li jsir qsim ta’ għarfien u ta’ data, partikolarment fir-rigward tat-traffiku fuq il-baħar;

19.

jaqbel mal-azzjonijiet li jħeġġu lill-imsieħba biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kapaċità eżistenti tagħhom biex jindirizzaw l-attivitajiet tal-bniedem mhux regolati u illegali, bħall-kuntrabandu tal-migranti u s-sajd illegali, kif ukoll l-iżvilupp ta’ għodod fi sforz biex itejbu r-rispons għat-tniġġis tal-baħar. Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-ekonomiji lokali u reġjonali jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li finanzjarjament jattrezzaw lilhom infushom kif xieraq f’termini ta’ bini ta’ kapaċità;

20.

ifakkar u jappoġġja b’mod sħiħ il-Konklużjonijiet tal-Kunsill (8) reċenti dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani, li jippromovu approċċ aktar koerenti fost ir-reġjuni;

Għan 2 – Tkabbir intelliġenti u reżiljenti tal-ekonomija blu

21.

jaqbel li ekonomija blu intelliġenti u reżiljenti tista’ tintlaħaq biss permezz tal-adozzjoni ta’ kultura ta’ innovazzjoni kontinwa u l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-promozzjoni ta’ kompetittività sostenibbli u attivitajiet ekonomiċi. Ir-reġjun tal-Mediterran b’mod partikolari huwa magħruf għal suċċess kbir fis-settur tat-turiżmu marittimu, li jeħtieġ li jkun sostnut permezz tal-innovazzjoni u d-diversifikazzjoni, waqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-wirt kulturali u arkeoloġiku mal-kosta, ’il ġewwa u taħt il-baħar;

22.

jaqbel mar-rakkomandazzjoni li l-partijiet interessati mix-xatt tan-Nofsinhar jiġu mistiedna jieħdu sehem fl-inizjattiva BLUEMED u  jqis l-inizjattiva BLUEMED bħala għodda importanti li essenzjalment tippromovi azzjonijiet konġunti ta’ riċerka u innovazzjoni. Huwa jappella għall-koordinazzjoni tar-riċerka tal-baħar u dik marittima u l-attivitajiet ta’ innovazzjoni u l-ħolqien ta’ sinerġiji bejn il-livelli reġjonali, nazzjonali u l-investimenti tal-UE, tiġi evitata d-duplikazzjoni u titnaqqas il-frammentazzjoni;

23.

jappoġġja l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u industriji innovattivi b’bażi bijoloġika, b’mod partikulari jekk dawn l-isforzi huma primarjament iffukati fuq l-iżvilupp ta’ prodotti sostenibbli, u jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u ta’ soluzzjonijiet imfassla apposta biex jiġi mmitigat it-tibdil fil-klima. Dan huwa speċjalment il-każ fis-settur tal-enerġiji rinnovabbli tal-baħar u t-turbini tar-riħ galleġġanti, li huma tant adattati għall-Mediterran;

24.

jappoġġja t-twaqqif ta’ raggruppamenti marittimi nazzjonali u reġjonali sabiex jinħolqu l-pjattaformi ideali biex l-ekonomija tikber permezz tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi. Iqis li raggruppamenti li jħeġġu u jippromovu l-kollaborazzjoni, il-qsim tal-għarfien u l-intraprenditorija fost l-impriżi żgħar, medji u mikro;

25.

itenni (9) l-appell tiegħu sabiex tinħoloq Komunità speċifika ta’ Għarfien u Innovazzjoni għall-ekonomija blu bħala miżura ulterjuri għall-iżvilupp tal-ħiliet u biex l-ideat mir-riċerka tal-baħar jissarrfu fis-settur privat; f’dan il-kuntest, iċ-Ċentru tal-Għarfien Virtwali (10), li huwa għodda ta’ qsim tal-għarfien għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-ekonomija blu u li jista’ jiġi definit bħala “one stop shop/portal fuq il-web onlajn li jippermetti l-konsolidazzjoni u l-qsim ta’ informazzjoni ġenerali, teknika u settorjali relatata ma’ affarijiet tal-baħar u marittimi fil-Mediterran”, jista’ wkoll ikun ta’ valur miżjud;

26.

itenni l-proposta li saret fl-Opinjoni CdR 6622/2016 għall-ħolqien ta’ pjattaformi reġjonali jew interreġjonali tal-ekonomija blu; jirrimarka li diversi territorji tar-reġjun tal-Mediterran jistgħu jkunu kandidati għall-ħolqien ta’ dan it-tip ta’ pjattaforma li ser tikkostitwixxi mekkaniżmu biex jiġu identifikati proġetti, tkun ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tagħhom, u timmobilizza għodod finanzjarji lokali, nazzjonali u Ewropej. Pjattaformi bħal dawn ser ikunu ġestiti mir-reġjuni u l-proġetti tagħhom ikunu ffinanzjati fil-qafas tal-Pjan Juncker 2.0;

27.

jitlob li l-proġetti interreġjonali, nazzjonali u transnazzjonali, li huma f’konformità mal-istrateġija qafas tal-inizjattiva u l-S3 ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-ġbir kollettiv ta’ fondi reġjonali, nazzjonali u Ewropej f’qafas issemplifikat u jkunu jistgħu jibbenefikaw minn bonus komunitarju mingħajr il-ħtieġa ta’ sejħiet ġodda għal proġetti;

28.

jenfasizza li l-intraprenditorija fl-ekonomija l-blu tmur lil hinn mill-attivitajiet fil-Baħar Mediterran. Għalhekk huwa importanti li jsir ippjanar ta’ appoġġ adatt għall-intrapriżi relatati mal-ekonomija blu fuq l-art, bħal dawk fil-qasam tal-ipproċessar tal-ħut, l-industrija tal-bini tal-bastimenti, u l-installazzjonijiet tar-riħ fuq l-art u dawk fotovoltajċi;

29.

jenfasizza l-lakuni li jeżistu fl-edukazzjoni u fil-ħiliet li jeħtieġ li jiġu indirizzati mingħajr aktar dewmien. L-iżvilupp ekonomiku u l-edukazzjoni jimxu id f’id u b’hekk l-imsieħba jeħtieġ li jieħdu inkonsiderazzjoni dawn iż-żewġ aspetti soċjoekonomiċi sabiex jiġi żgurat is-suċċess ta’ din l-inizjattiva. Li jiżdied l-għarfien dwar il-professjonijiet marittimi huwa ta’ importanza kruċjali biex jattira liċ-ċittadini biex jesploraw l-opportunitajiet fil-qasam marittimu, sabiex jitnaqqas in-nuqqas ta’ bilanċ bejn id-domanda u l-provvista li jikkatterizza s-settur u jikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-rata tal-qgħad. Fiż-żona Mediterranja hemm il-paradoss partikolari li quddiem rata ta’ qgħad taż-żgħażagħ fost l-ogħla fl-Ewropa, il-kumpaniji marittimi tas-setturi emerġenti u tradizzjonali jinsabu f’qagħda fejn huwa impossibbli li jirreklutaw persunal kwalifikat;

30.

jaqbel mal-mudelli li jappoġġjaw l-iżvilupp u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija nadifa, inklużi l-innovazzjoni fl-enerġija tal-oċeani u l-użu sostenibbli tal-enerġija għad-desalinazzjoni tal-ilma baħar, permezz ta’ prattiki li jimminimizzaw l-impatt tagħha fuq qiegħ il-baħar; jappoġġja l-proposti għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-adattament għat-tibdil fil-klima fil-bliet kostali, it-tbaħħir ekoloġiku u l-infrastruttura tal-portijiet għal karburanti alternattivi, u l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda għat-turisti, u biex jiġu żviluppati standards tekniċi komuni għall-akkwakultura sostenibbli madwar diversi pajjiżi (11). Għandu jiġi rrimarkat li anke jekk dawn l-azzjonijiet huma essenzjalment pożittivi fl-għanijiet u l-objettivi tagħhom, għandhom jiġu kkunsidrati dawk l-ekonomiji f’diffikultà jew li huma żgħar;

Għan 3 – Governanza aħjar tal-baħar

31.

jirrikonoxxi li ż-żoni kostali u marittimi ilhom żmien twil kompetittivi u multidimensjonali ħafna, li jirriżulta fi sfidi għall-allokazzjoni tal-ispazju u riżorsi skarsi. It-tħassib ambjentali li jiddomina l-preżent tagħna ta’ kuljum bħala riżultat ta’ pressjonijiet dejjem akbar fuq ir-riżorsi naturali jqajjem l-ħtieġa għal għarfien akbar. Bla dubju, approċċ integrat biex jiġi promoss l-użu ta’ riżorsi kondiviżi se jwassal għall-iżvilupp ta’ opportunitajiet ġodda;

32.

jinċentiva mudelli ta’ żvilupp imsejsa fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet, tal-konsum u tal-ispejjeż fuq l-enerġija, kif ukoll li jżidu l-flessibbiltà u l-affidabbiltà. Fundamentalment, f’dan is-sens dan ifisser l-iżvilupp tal-enerġija minn sorsi bijoġeniċi, organiċi u mill-iskart;

33.

jirrikonoxxi u jappoġġja b’mod sħiħ l-importanza ta’ Ppjanar effettiv tal-Ispazju Marittimu fir-rigward tal-attivitajiet tal-bniedem f’ibħra li jwasslu għal sforzi kkoordinati u li jitnaqqsu l-kunflitti possibbli tal-attivitajiet;

34.

jenfasizza u jappoġġja l-azzjonijiet li jixħtu dawl fuq l-importanza ta’ data xjentifika u għarfien dwar il-baħar bħala wieħed mill-pilastri għal ekonomija reżiljenti u innovattiva, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza li tiġi aġġornata d-data eżistenti fir-rigward ta’ fenomeni ambjentali u t-tibdil fil-klima u li tkun disponibbli għall-komunità xjentifika internazzjonali u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi;

35.

jaqbel bis-sħiħ mal-azzjonijiet stabbiliti biex jipproteġu l-ambjent u l-ħabitats tal-baħar kontra kull tip ta’ tniġġis filwaqt li jiġu identifikati b’mod proattiv żoni għall-preservazzjoni bħalma huma żoni tal-baħar protetti. Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni huma bla dubju pass fid-direzzjoni t-tajba;

36.

jappoġġja koordinazzjoni u kooperazzjoni reġjonali permezz tal-implimentazzjoni tal-istrateġija intermedja (2017-2020) tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran lejn is-sostenibbilità tas-sajd fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. Dan ser jiżgura wkoll li l-politika komuni tas-sajd hija implimentata b’mod aktar konsistenti fil-livell tas-sottobaċir (12);

37.

jaqbel bis-sħiħ mal-azzjoni li tippromovi l-iżvilupp ta’ sajd u akkwakultura fuq skala żgħira u d-disseminazzjoni tal-aħjar prattiki bil-għan li tiġi msaħħa l-industrija tas-sajd u tal-akkwakultura filwaqt li jiġi żgurat il-ġbir xieraq tad-data reġjonali u evalwazzjonijiet xjentifiċi, b’rispett sħiħ tal-leġislazzjoni internazzjonali;

Governanza u implimentazzjoni

38.

jappoġġja t-twaqqif ta’ task force WestMED b’mod konġunt mal-Unjoni għall-Mediterran li jinkludi punti fokali nazzjonali u lill-Kummissjoni Ewropea u li ser jiżgura l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

39.

jirrikonoxxi d-disponibbiltà ta’ diversi sorsi ta’ finanzjament, prinċipalment permezz ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE li jappoġġjaw diversi inizjattivi, skont in-natura tal-proġett ippreżentat, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u l-prijoritajiet;

Rakkomandazzjonijiet finali

40.

jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki, il-bini tal-kapaċità u l-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali minn kull naħa tal-Mediterran;

41.

jirrakkomanda lill-partijiet kollha biex iħeġġu l-iskambju tal-għarfien u l-kompetenza politika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali waqt li tiġi ffaċilitata governanza f’diversi livelli fil-ġestjoni tar-riżorsi u fir-rigward tal-isfidi kondiviżi fiż-żona tal-Punent tal-Mediterran;

42.

jirrakkomanda l-promozzjoni ta’ proġetti ekonomikament sostenibbli fuq livell lokali u reġjonali u li jkun faċilitat l-aċċess għall-kapital;

43.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi proġetti ta’ edukazzjoni u taħriġ mill-ġdid u miżuri mmirati lejn it-tnaqqis tal-qgħad taż-żgħażagħ f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali waqt li tiġi promossa l-mobilità tal-impjieg bejn setturi tal-ekonomija blu. Jinnota f’dan ir-rigward ir-rwol li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu fil-previżjoni tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet u biex dawn jiġu abbinati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom ikunu konxji ta’ dan ir-rwol u jipprovdu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali bir-riżorsi adatti sabiex tiġi faċilitata t-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għall-impjieg.

Brussell, il-31 ta’ Jannar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Id-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Unjoni għall-Mediterran dwar l-Ekonomija Blu

(2)  Relatur: Michael Cohen, CdR 126/2010.

(3)  Relatur: Paul O’Donoghue, CdR 3766/2013.

(4)  Relatur: Hermann Kuhn, CdR 07256/2014 u relatur: Christophe Clergeau, NAT-VI/019.

(5)  http://www.cmcc.it/publications/regional-assessment-of-climate-change-in-the-mediterranean-climate-impact-assessments

(6)  {SWD(2017) 130 final}

(7)  {SWD(2017) 130 final}

(8)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2017.

(9)  NAT-V-44

(10)  http://www.med-vkc.eu/2016/

(11)  {SWD(2017) 130 final}

(12)  {SWD(2017) 130 final}


23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/51


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Semplifikazzjoni għal wara l-2020

(2018/C 176/12)

Relatur:

Oldřich Vlasák (CZ/KRE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Hradec Králové

Dokument ta’ referenza:

Il-Konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Semplifikazzjoni għal wara l--2020

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI:

1.

jissottolinja l-importanza tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni. Filwaqt li terz tal-baġit tal-UE ġie allokat biex jintlaħaq dan l-objettiv kif stabbilit fit-TFUE 174-178, il-Politika għadha trid tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha. Is-semplifikazzjoni tal-Fondi għandha tifforma parti minn politika ta’ koeżjoni riformata u mtejba għall-futur tal-Ewropa;

2.

jilqa’ n-natura kostruttiva tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli għas-semplifikazzjoni tal-Fondi SIE għal wara l-2020 u d-dikjarazzjoni ċara li s-semplifikazzjoni hija l-kompitu tal-partijiet kollha involuti fl-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tal-Fondi – il-Kummissjoni, il-koleġiżlaturi, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali;

3.

jilqa’ l-fatt li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli għal wara l-2020 huma konformi mal-pożizzjonijiet espressi qabel mill-KtR. Il-KtR itenni wkoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma direttament ikkonċernati mill-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni kemm bħala benefiċjarji prinċipali kif ukoll f’ħafna każijiet bħala l-awtorità direttament involuta fil-ġestjoni tal-implimentazzjoni tagħha;

4.

jinnota li, minkejja l-għadd kbir ta’ proposti pożittivi li jipprovdu l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Semplifikazzjoni, bl-ebda mod ma jista’ jingħad li t-tqegħid fil-prattika ta’ dawn il-proposti ser jgħin biex jitlesta l-proċess ta’ semplifikazzjoni. Xorta għad hemm firxa sħiħa ta’ oqsma ta’ importanza kbira u ta’ problemi sussidjarji li mhumiex indirizzati fil-konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli jew li huma indirizzati biss parzjalment. Għalhekk, il-KtR jirreferi f’dan il-kuntest għall-Opinjoni tiegħu ta’ Ottubru 2016 dwar “Is-semplifikazzjoni tal-FSIE mill-perspettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li teżamina fid-dettall din il-kwistjoni;

5.

itenni s-sejħa tiegħu għal viżjoni territorjali ġdida li taġġorna l-Iskema għall-Iżvilupp tal-Ispazju Ewropew tal-1999. Permezz ta’ approċċ ibbażat fuq il-post din l-istrateġija tista’ tintuża fil-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ wara l-2020 biex tgħin il-Fondi tal-UE jwettqu l-objettiv tagħhom fil-prattika;

6.

jissottolinja l-importanza tal-bini fuq l-esperjenza u l-kapaċità żviluppati sa issa u l-importanza li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-mudell tal-ġestjoni kondiviża ta’ wara l-2020 billi jiġi applikat il-prinċipju tas-sħubija. Il-prinċipju tas-sħubija, kif stipulat fil-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija, jibqa’ mezz kruċjali li jiżgura li s-sħab kollha inkluż il-gvern lokali u reġjonali jkunu involuti fl-istadji kollha tal-programmazzjoni. Is-sistema tat-twassil għandha tkun ibbażata wkoll fuq fiduċja akbar fost l-atturi kollha involuti (l-awtoritajiet fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali u reġjonali);

7.

jitlob li jkun hemm Qafas Strateġiku Komuni ġdid li jkopri l-politiki u l-fondi kollha tal-UE li għandhom dimensjoni orizzonatli u jappoġġja l-objettiv ta’ regoli orizzontali komuni biex tiġi ffaċilitata l-interazzjoni bejn il-Fondi SIE (“il-ġabra unika tar-regoli”). Jenfasizza li Qafas li jkopri biss il-Fondi SIE u mhux Fondi oħrajn b’dimensjoni territorjali, kif inhu l-każ bħalissa, tagħmel l-implimentazzjoni aktar diffiċli għall-utenti finali u jfisser li l-Qafas mhuwiex utli daqs kemm jista’ jkun. Il-finanzjament allokat għal lista limitata ta’ oqsma ta’ politika għandu jintgħażel minn menu Ewropew komuni, li jista’ jvarja skont ir-reġjun skont il-ħtiġijiet ta’ żvilupp tar-reġjun u l-objettivi tal-UE;

8.

jaqbel dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-Fondi SIE u l-Fondi amministrati ċentralment. Il-KtR jappoġġja b’mod espliċitu l-ħtieġa li tiġi eżaminata l-fattibbiltà ta’ eżenzjoni standard mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal parti mill-finanzjament SIE jew kollu, filwaqt li jfakkar is-sejbiet preċedenti tiegħu relatati, b’mod partikolari, mal-proporzjonalità;

9.

jappoġġja l-objettiv tal-applikazzjoni usa’ tal-prinċipju tad-differenzjazzjoni fl-interessi tat-tnaqqis tal-piż, tal-infiq aktar effettiv u tal-promozzjoni tal-approċċ ibbażat fuq il-post;

10.

jitlob li jkun hemm soluzzjonijiet aktar imfassla apposta għal programm partikolari, billi jitqiesu l-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet fis-sistema ta’ implimentazzjoni tal-FSIE u barra minnha, it-tipi ta’ appoġġ li jingħata, kif ukoll fatturi oħra;

11.

jissuġġerixxi żieda fid-djalogu bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-bliet u r-reġjuni dwar it-tfassil effettiv u l-miżuri li faċli jintużaw għas-semplifikazzjoni għall-ġenerazzjoni li jmiss tal-FSIE lil hinn mill-2020;

12.

jitlob li l-Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali jintużaw bħala għodda biex jitkejlu l-benefiċċji tas-semplifikazzjoni tal-FSIE;

Ir-rinfurzar tal-mudell tal-ġestjoni konġunta għal wara l-2020

13.

jikkonferma l-appoġġ b’saħħtu tiegħu għall-analiżi stabbilita mill-Grupp ta’ Livell Għoli tal-benefiċċji sinifikanti tal-mudell tal-ġestjoni konġunta għat-twettiq effettiv tal-Politika ta’ Koeżjoni billi jħeġġeġ ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u jippermetti r-rikonoxximent tal-ispeċifiċitajiet reġjonali u tal-approċċ ibbażat fuq il-post. Mudell ta’ ġestjoni kondiviża għandu wkoll impatt pożittiv fuq oqsma ta’ politika oħra lil hinn mill-FSIE inklużi effetti sekondarji pożittivi f’termini ta’ rinfurzar tal-governanza tajba u żieda tas-sjieda ċivika u l-impenn demokratiku;

14.

jappoġġja l-objettiv li jiġi żgurat l-użu effettiv tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità biex jippermettu u jappoġġjaw governanza ġenwina f’diversi livelli f’dan il-kuntest, li jeħtieġ l-għoti xieraq tas-setgħa lill-awtoritajiet kemm lokali kif ukoll reġjonali kif ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fil-forma ta’ sħubija ġenwina;

15.

jissottolinja li għandha tissaħħaħ il-fiduċja fil-kapaċità tal-benefiċjarji, tal-amministrazzjonijiet reġjonali u nazzjonali, li jimmaniġġjaw u jużaw il-Fondi b’mod san u effiċjenti. Il-ġestjoni konġunta tressaq lill-Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha u tgħaqqad il-ħtiġijiet lokali u l-objettivi Ewropej;

16.

jenfasizza li s-suċċess tas-sistema tal-ġestjoni konġunta hija dipendenti parzjalment fuq ir-responsabbiltà sħiħa għall-prinċipju tas-sħubija mill-partijiet kollha; il-KtR japprova bis-sħiħ il-proposti tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar in-natura essenzjali tal-użu effettiv tas-sħubija li għandu jiġi rinfuzat wara l-2020;

17.

iqis li l-approċċ usa’ tas-sħubija huwa meħtieġ u għandu jkun integrat fis-Semestru Ewropew – il-qafas ta’ governanza ekonomika Ewropew. Itenni t-talba tiegħu għall-introduzzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew (1). Jitlob ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar is-Sħubija fil-qafas tal-Fondi SIEjittieħdu bħala parti vinkolanti mir-regolamenti ta’ wara l-2020 sabiex tingħata ċarezza legali rigward l-istatus tagħhom. Jitlob ukoll għal impenji aktar formali għall-implimentazzjoni mill-partijiet ikkonċernati;

18.

jenfasizza s-sejba tal-Grupp ta’ Livell Għoli li t-tendenza li nagħmlu l-Politika ta’ Koeżjoni responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ ħafna objettivi oħra tal-politika tal-UE hija problematika u tirriżulta f’sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet maniġerjali jsiru de facto infurzaturi ta’ numru dejjem jikber ta’ politiki oħra tal-UE;

19.

jappoġġja l-proposta tal-Grupp ta’ Livell Għoli li jiġi rivedut ir-rwol tas-sistema tal-ġestjoni u tal-kontroll tal-FSIE fl-infurzar tar-regoli mhux tal-FSIE;

In-natura komplementarja tal-Fondi SIE

20.

japprova l-enfasi tal-Grupp ta’ Livell Għoli fuq in-natura komplementarja reċiproka ta’ kull wieħed mill-Fondi SIE individwali, li flimkien biss jistgħu jiksbu l-objettiv tal-Politika ta’ Koeżjoni minqux fit-Trattati;

21.

jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-Fondi SIE eżistenti (FEŻR, FSE, FAEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għas-Sajd) jibqgħu flimkien għaliex kull Fond SIE individwali jikkontribwixxi għall-missjoni tal-Fondi l-oħra u huma kkoordinati permezz ta’ regoli u dispożizzjonijiet komuni wara l-2020;

22.

jitlob li jkun hemm Qafas Strateġiku Komuni ġdid li jkopri l-politiki u l-Fondi kollha tal-UE b’dimensjoni territorjali. Dan il-Qafas jiżgura konsistenza strateġika, sinerġiji u trattament indaqs tal-istrumenti ta’ finanzjament u jevita s-sensja amministrattiva;

23.

itenni r-rakkomandazzjoni tal-KtR li għandhom japplikaw regoli identiċi taħt id-diversi Fondi SIE u jenfasizza li l-kondizzjonijiet orizzontali kollha għandhom jiġu stabbiliti b’mod esklużiv f’sett ġenerali wieħed ta’ regoli, filwaqt li r-regolamenti speċifiċi għall-Fond għandhom ikunu ristretti għar-regoli dwar il-kontenut tal-programm u r-rapportar;

24.

jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-previżjoni ta’ regolament separat possibbli għall-amministrazzjoni tal-Fondi SIE (“ġabra unika tar-regoli”), filwaqt li jinnota l-applikabbiltà ssuġġerita fuq il-perjodi ta’ finanzjament għal titjib fiċ-ċertezza u fl-istabbiltà regolatorji;

25.

jappoġġja l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati aktar il-programmi li jinvolvu ħafna fondi u l-approċċi integrati (bħall-Investimenti Territorjali Integrati) fid-dawl tad-diffikultajiet fl-implimentazzjoni esperjenzati bid-dispożizzjonijiet eżistenti tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni; jirriferi f’dan il-kuntest għall-Opinjoni tal-KtR dwar l-ITIs (2) li tispjega l-kisbiet pożittivi fil-livell lokali meta jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom;

26.

jilqa’ r-rikonoxximent tal-ħtieġa li jiġi bbilanċjat aħjar l-allinjament tar-regoli ta’ finanzjament Ewropej u l-ħtieġa li jingħata aktar spazju lill-allinjament mar-regoli nazzjonali li kien enfasizzat fl-Opinjoni tal-KtR dwar is-Semplifikazzjoni tal-FSIE;

27.

jiddikjara li l-Fondi tal-UE għandhom jitwasslu permezz ta’ mekkaniżmi amministrattivi nazzjonali eżistenti. Ir-regoli u s-sistemi nazzjonali (inklużi l-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni) għandhom jintużaw kemm jista’ jkun possibbli għaliex l-aktar regoli sempliċi huma dawk li huma ftit fin-numru u preferibbilment l-istess bħal dawk applikati fl-Istati Membri;

Il-kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-Fondi SIE u l-fondi amministrati ċentralment

28.

jikkonferma l-appoġġ għall-objettiv ġenerali deskritt mill-Grupp ta’ Livell Għoli li jiġi żgurat trattament indaqs u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-programmi tal-FSIE u għall-fondi amministrati ċentralment;

29.

japprova l-opinjoni espressa mill-Grupp ta’ Livell Għoli li d-divrenzjar attwali fit-trattament tal-Fondi SIE fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat u l-akkwist pubbliku mhuwiex parti intrinsika mill-modalità tal-ġestjoni konġunta. Il-prinċipju ta’ gwida għandu jkun li l-proġetti ffinanzjati mill-FSIE m’għandhomx jirċievu aktar trattament restrittiv minn proġetti simili taħt il-ġestjoni ċentrali tal-UE;

30.

jenfasizza l-ħtieġa fil-qafas ta’ wara l-2020 li jingħata impetu ġdid lis-sinerġiji bejn il-Fondi SIE u l-programmi ġestiti b’mod ċentrali wkoll fil-kuntest ta’ kooperazzjoni interreġjonali. Il-KtR jenfasizza l-impatt benefiċjarju tas-semplifikazzjoni effettiva u flessibbiltà akbar fil-ġestjoni tal-Fondi SIE għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti; il-kooperazzjoni interreġjonali tista’ tiġi faċilitata f’dan il-kuntest mill-miżuri bħall-applikazzjoni ta’ metodi ta’ ġustifikazzjoni semplifikata ffokata fuq ir-riżultati jew l-użu ta’ kostijiet ta’ unità, kif stipulat fl-opinjoni tal-KtR dwar “Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3): l-impatt fuq ir-reġjuni u l-kooperazzjoni interreġjonali” (3);

31.

jenfasizza l-ħtieġa għall-allinjament tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u tal-akkwist pubbliku għall-Fondi SIE ma’ dawk li japplikaw għall-programmi amministrati ċentralment. Il-KtR itenni t-talba tiegħu għal valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-eżenzjoni ta’ partijiet mill-infiq tal-FSIE jew kollu mill-proċeduri tal-għajnuna mill-Istat wara l-2020. F’dan il-kuntest, il-KtR bi pjaċir jinnota li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-ħtieġa ta’ definizzjonijiet komuni biex il-fondi jkunu jistgħu jiġu mqabbla u kkombinati ġew adottati mill-Grupp ta’ Livell Għoli;

Is-semplifikazzjoni tal-ipprogrammar tal-FSIE għal wara l-2020

32.

jilqa’ l-enfasi mqiegħda mill-Grupp ta’ Livell Għoli fuq l-importanza kritika li jiġi żgurat li l-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni dwar il-qafas SIE għall-perjodu ta’ wara l-2020, inkluż l-interpretazzjoni ċara u uniformi tagħhom, jiġu ppreżentati u maqbula tal-anqas sitt xhur qabel il-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid, filwaqt li jfakkar fid-diffikultajiet operazzjonali sinifikanti li jiltaqgħu magħhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali u t-tagħlimiet li għandhom jittieħdu, mill-partijiet kollha involuti, mid-dewmien esperjenzat fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali. Il-proposti għall-FSIE għandhom jiġu ppreżentati b’mod formali kemm jista’ jkun malajr;

33.

jirrakkomanda, fir-rigward tat-tfassil futur tal-Ftehimiet ta’ Sħubija, li l-ħtieġa u l-għan tal-ftehim ta’ sħubija jew ta’ dokument ekwivalenti fuq livell nazzjonali għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid, u jitlob li dawn il-ftehimiet jiffukaw fil-futur fuq l-istrateġija globali (jevitaw duplikazzjoni bejn il-programmi), fuq il-kondizzjonalitajiet ex ante ġenerali kif ukoll dawk marbuta mas-CSRs (li huma ta’ kompetenza fuq livell nazzjonali) u fuq id-definizzjoni tal-konċentrazzjoni tematika u tar-rwol tal-korpi ta’ koordinazzjoni fuq livell nazzjonali fejn għandu jkollhom rwol fl-implimentazzjoni fi Stat Membru partikolari;

34.

jitlob għas-semplifikazzjoni tad-dokumenti tal-programmazzjoni strateġika għal wara l-2020, jinnota li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-opinjoni tal-KtR dwar l-eżitu tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operazzjonali ġew adottati fir-rakkomandazzjonijiet għal wara l-2020. Il-KtR japprova b’mod partikolari t-talba tal-Grupp ta’ Livell Għoli għal aktar flessibbiltà fil-programmazzjoni biex jippermetti l-adattament malajr tal-programmi operazzjonali;

35.

jissuġġerixxi li għandu jkun possibbli mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni li titmexxa parti mill-allokazzjoni bejn l-assi ta’ prijorità (pereżempju 10 % kif permess fl-aħħar tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013);

36.

jikkonferma l-importanza tal-prinċipju tal-konċentrazzjoni tematika għal programmazzjoni koerenti u strateġika, jinnota li sistema koerenti globali ta’ konċentrazzjoni tematika wara l-2020 għandha tippermetti wkoll l-applikazzjoni effettiva ta’ soluzzjonijiet integrati fuq livell reġjonali jew lokali; is-sħab, inklużi l-awtoritajiet lokali, għandhom jgħidu tagħhom fl-istadju ta’ programmazzjoni, inkluż għall-għodda integrati li jintużaw biex jimplimentaw l-istrateġiji għall-iżvilupp urban u territorjali sostenibbli;

37.

jappoġġja l-enfasi fuq aktar għoti ta’ setgħa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan il-kuntest u jenfasizza l-ħtieġa ta’ rikonċiljazzjoni tal-prinċipju ta’ konċentrazzjoni tematika mal-kuntest abilitanti għal soluzzjonijiet integrati fuq livell lokali u reġjonali. Ir-rabta bejn il-konċentrazzjoni tematika u l-fokus fuq ir-riżultati tal-Politika ta’ Koeżjoni, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Politika ta’ Koeżjoni tista’ toffri soluzzjonijiet integrati, flessibbli u differenzjati għal wara l-2020 diġà kienet indirizzata fl-Opinjoni tal-KtR dwar il-Futur tal-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2020, li talbet ukoll għal djalogu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politiki reġjonali u tal-politiki settorjali fi żmien raġonevoli qabel il-bidu tal-perjodu ta’ finanzjament li jmiss sabiex jissaħħaħ l-approċċ territorjali f’konformità mal-governanza multilaterali;

38.

jilqa’ l-objettivi stabbiliti mill-Grupp ta’ Livell Għoli tas-semplifikazzjoni tas-sett komuni ta’ indikaturi għal wara l-2020 u jenfasizza l-ħtieġa għal terminoloġija u definizzjonijiet armonizzati li jippermettu l-valutazzjoni u l-paragun tal-prestazzjoni bejn il-fondi differenti;

39.

jenfasizza l-proposti tal-KtR għal miżuri speċifiċi li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss u jipprovdu ċertezza akbar għall-awtoritajiet maniġerjali.. Il-KtR jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli biex tiġi eżaminata mill-ġdid il-ħtieġa għal ħatra wara l-2020 u jitlob tal-anqas għar-razzjonalizzazzjoni tal-proċess biex jiġi żgurat li d-denominazzjonijiet eżistenti jiġu riportati għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

Il-prinċipju tad-divrenzjar – għandu jiġi rinfurzat f’bosta oqsma

40.

jilqa’ l-prinċipju ġenerali ta’ aktar divrenzjar wara l-2020, li, billi tippermetti l-użu aktar imfassal apposta u effettiv tal-Fondi SIE, aktarx li tkun ta’ importanza kritika fix-xenarju possibbli ta’ wara l-2020 ta’ riżorsi baġitarji ġenerali mnaqqsa, fost l-oħrajn wara l-irtirar tar-Renju Unit mill-UE. L-approċċ divrenzjat, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, m’għandux ifisser li nippruvaw niddefinixxu kull dettall tas-sistema ta’ twassil tar-regolament fil-livell tal-UE, imma għandu jkun ibbażat fuq il-fiduċja bejn l-atturi kollha involuti, li b’mod konkret japplikaw il-prinċipju tas-sħubija;

41.

jiddikjara li ġew imxerrda wkoll ideat simili mill-Kanċellerija Awstrijaka u jistgħu jkunu element importanti tal-Presidenza Awstrijaka tal-UE li jmiss fit-tieni nofs tal-2018. Għalhekk il-KtR jissuġġerixxi li jistieden lill-Presidenza Awstrijaka tal-UE għal kooperazzjoni bikrija mal-KtR biex dawn l-ideat jiġu żviluppati aktar;

42.

jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat l-involviment sħiħ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala sħab indaqs f’dan il-kuntest u fl-istadji kollha tal-proċess tan-negozjati minn isfel għal fuq. L-applikazzjoni rinfurzata tal-approċċ ibbażat fuq il-post bi tfassil apposta aktar effettiv tal-Fondi għall-ħtiġijiet diversi tat-territorji madwar l-Unjoni u l-attrezzar tar-reġjuni bil-mezzi biex iwieġbu aktar malajr għal sfidi mhux previsti jew sitwazzjonijiet ta’ emerġenza se jkunu dejjem aktar kritiċi;

L-awditjar, ir-rapportar u l-kontrolli

43.

jirrakkomanda li nimxu lejn approċċ aktar divrenzjat fl-oqsma tal-awditjar, ir-rapportar u l-kontrolli billi nippermettu aktar dipendenza fuq ir-regoli nazzjonali u aktar flessibbiltà biex jiġu akkomodati l-verifiki u l-proċeduri nazzjonali eżistenti;

44.

jindika l-messaġġ tal-KtR li l-awditjar divrenzjat jista’ jiġi ffaċilitat u mirfud b’kuntratti ta’ kunfidenza bejn l-UE u l-awtoritajiet tal-awditjar nazzjonali u l-awtoritajiet maniġerjali. Bħalissa, il-problema fundamentali, b’reazzjoni għall-problemi ta’ implimentazzjoni fil-passat, hija li żviluppat kultura ta’ averżjoni għar-riskju, u l-biża’ mill-penali qed tegħleb il-kultura ġenwina ta’ titjib;

45.

itenni l-pożizzjoni tal-KtR dwar ir-rata ta’ żball aċċettabbli (livell ta’ materjalità), fejn l-esperjenza turi li dan il-livell mhuwiex xieraq fil-kuntest tal-proġetti tal-Politika ta’ Koeżjoni. Il-KtR iqis li, billi l-istandards internazzjonali tal-awditjar ma jimponu l-ebda regoli numeriċi, għandu jkun possibbli li jiżdied dan il-livell limitu għal 5 %. Is-sistema ta’ kontroll strett attwali, li tagħmel kull żball aktar viżibbli, toħloq il-perċezzjoni żbaljata li l-mudell ta’ ġestjoni kondiviża huwa aktar suxxettibbli għall-iżbalji;

Il-kombinazzjoni tal-Fondi SIE mal-istrumenti finanzjarji

46.

jinsab kuntent li l-prinċipju ta’ approċċ divrenzjat huwa previst ukoll, meta qabel kien talab għal evalwazzjoni ex ante tal-implimentazzjonijiet kombinati tal-FSIE u tal-FEIS fuq il-bażi ta’ kull każ għalih. Dan l-approċċ għandu jippermetti tnaqqis sinifikanti tal-piż u jqis aħjar l-ispeċifiċitajiet tal-kuntest tal-implimentazzjoni fir-reġjuni inkwistjoni u b’hekk jiffaċilita l-approċċ ibbażat fuq il-post u jinkoraġġixxi l-investiment imfassal apposta;

47.

jissuġġerixxi l-istabbiliment ta’ One-Stop Shops fil-livell nazzjonali/reġjonali biex jgħinu lill-benefiċjarji jittrattaw l-fondi SIE u l-fondi mhux SIE flimkien;

Is-semplifikazzjoni tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC)

48.

japprova r-rikonoxximent tal-Grupp ta’ Livell Għoli tan-natura speċifika tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) u r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-qafas regolatorju separat attwali għall-programmi Interreg għandu jinżamm għal wara l-2020;

49.

jikkonferma l-appoġġ tal-KtR għal regolament dedikat għal dispożizzjonijiet tal-implimentazzjoni speċifiċi għall-ETC, jenfasizza li bħala riżultat tal-kumplessità legali u regolatorja attwali, ir-regolamentazzjoni żejda tabilħaqq kienet ostaklu sinifikanti għall-implimentazzjoni effettiva tal-ETC;

50.

jitlob li jiġu evitati l-kondizzjonalitajiet ex ante f’dan il-qasam minħabba n-natura multilaterali tal-programmi tal-ETC;

51.

jenfasizza l-valur miżjud Ewropew li jista’ jinkiseb mill-kooperazzjoni territorjali rinfurzata u ssir referenza għas-sejbiet reċenti dwar il-konsegwenzi fuq żmien medju sa twil f’termini kemm ta’ tkabbir ekonomiku globali kif ukoll f’termini ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, jekk din il-kooperazzjoni tonqos aktar milli tiżdied fil-futur;

52.

jenfasizza l-importanza tar-rwol u l-valur miżjud Ewropew tal-kooperazzjoni transfrutniera sabiex jingħelbu l-effetti ta’ segregazzjoni tal-fruntieri u jitneħħew l-ostakli eżistenti li għandhom impatt fuq il-ħajja tar-residenti tar-reġjuni tal-fruntiera. Il-KtR itenni mill-ġdid ir-rwol importanti tal-proġetti interpersonali l-ewwel nett biex tinħoloq fiduċja reċiproka u jipproponi, f’dan il-kuntest, li “l-fondi għall-proġetti żgħar” jiġu inklużi b’mod leġittimu fil-programmi futuri ta’ kooperazzjoni transfruntiera, biex isiru aċċessibbli għall-benefiċjarji ta’ livell baxx u dan fi-dawl tas-sempliċità u l-ġestjoni deċentralizzata tagħhom;

53.

jilqa’ l-proposta li l-programmi tal-ETC ikunu eżenti mir-rekwiżiti ta’ notifika tal-għajnuna mill-Istat. Il-KtR kien enfasizza qabel li l-isforz meħtieġ għal konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-programmi tal-ETC huwa ġeneralment sproporzjonat mar-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Kien ġibed l-attenzjoni wkoll għad-diffikultajiet relatati mar-restrizzjonijiet fuq ir-rati ta’ kofinanzjament u r-reġimi ta’ responsabbiltà (billi dawn il-programmi jinvolvu aktar minn Stat Membru wieħed) u enfasizza l-kontradizzjoni inerenti bejn il-loġika tal-kooperazzjoni u l-loġika tal-kompetizzjoni, filwaqt li talab biex l-ETC taqa’ kompletament barra mill-ambitu tal-għajnuna mill-Istat, kif diġà huwa l-każ għall-programmi ta’ kooperazzjoni mmaniġġjati mill-Kummissjoni (eż. l-Orizzont 2020).

Brussell, l-1 ta’ Frar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  COR-2016-05386-00-00-AC.

(2)  COR-2017-03554-00-00-AC.

(3)  COR-2016-06963-00-00-AC.


23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/57


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Ewropa attiva: aspetti tax-xogħol fit-trasport bit-triq

(2018/C 176/13)

Relatur:

Is-Sur Spyridon (EL/PPE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Poros

Dokumenti ta’ referenza:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward tar-rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet tas-sewqan ta’ kuljum u fil-ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi

COM(2017) 277 final

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq

COM(2017) 278 final

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur

COM(2017) 281 final

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/1/KE dwar l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq

COM(2017) 282 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

COM(2017) 277 final/1

Artikolu 1(5)(c)

Ibdel it-test kif ġej:

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(c)

jiddaħħlu l-paragrafi 8a u 8b li ġejjin:

(c)

jiddaħħlu l-paragrafi 8a , 8b u 8 c li ġejjin:

 

“8a.   Il-perjodi regolari ta’ mistrieħ fil-ġimgħa u kwalunkwe perjodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa ta’ aktar minn 45 siegħa meħuda bħala kumpens għal perjodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa preċedenti ma għandhomx jittieħdu f’vettura. Dawn għandhom jittieħdu f’akkomodazzjoni xierqa, b’faċilitajiet tal-irqad u sanitarji adattati;

 

“8a.   Il-perjodi regolari ta’ mistrieħ fil-ġimgħa u kwalunkwe perjodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa ta’ aktar minn 45 siegħa meħuda bħala kumpens għal perjodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa preċedenti ma għandhomx jittieħdu f’vettura. Dawn għandhom jittieħdu f’akkomodazzjoni xierqa, b’faċilitajiet tal-irqad u sanitarji adattati;

 

(a)

imħallsa jew ipprovduti mill-impjegatur, jew

(b)

fid-dar jew f’post privat ieħor magħżul mix-xufier.

 

(a)

imħallsa jew ipprovduti mill-impjegatur, jew

(b)

fid-dar jew f’post privat ieħor magħżul mix-xufier.

 

"8b.   Impriża tat-trasport għandha torganizza x-xogħol tax-xufiera b’tali mod li x-xufiera jkunu jistgħu jqattgħu d-dar mill-inqas perjodu regolari wieħed ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew perjodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa ta’ aktar minn 45 siegħa meħuda bħala kumpens għal perjodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa f’kull perjodu ta’ tliet ġimgħat konsekuttivi.”;

 

8b.     Il-paragrafu 8a ma għandux għalfejn japplika f’każijiet fejn il-perjodu regolari ta’ mistrieħ fil-ġimgħa, u kwalunkwe perjodu ta’ mistrieħ ieħor ta’ aktar minn 45 siegħa meħud bħala kumpens għal perjodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa preċedenti jsir f’post li huwa sigur biżżejjed u għandu faċilitajiet sanitarji adatti, u fejn il-kabina tas-sewwieq tirrispetta l-ispeċifikazzjonijiet stipulati mill-Kumitat, li jissemmew fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament attwali.

 

 

8c.   Impriża tat-trasport għandha torganizza x-xogħol tax-xufiera b’tali mod li x-xufiera jkunu jistgħu jqattgħu d-dar mill-inqas perjodu regolari wieħed ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew perjodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa ta’ aktar minn 45 siegħa meħuda bħala kumpens għal perjodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa f’kull perjodu ta’ tliet ġimgħat konsekuttivi.”;

Raġuni

Kemm l-akkomodazzjoni għas-sewwieqa, kif ukoll il-postijiet li fihom tista’ ssir waqfa b’mod sigur, kif previst fil-punt 8a, huma nieqsa tul bosta awtostradi.

Id-dispożizzjoni oriġinali tkun ta’ żvantaġġ għas-sewwieqa minn pajjiżi periferiċi tal-UE, li bilfors ikunu qed isuqu għal għadd akbar ta’ ġranet, meta mqabbla ma’ sewwieqa mill-pajjiżi ċentrali tal-UE. L-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni twassal għal żieda fl-ispejjeż għall-operaturi minn inħawi perifieriċi fl-Ewropa.

Emenda 2

COM(2017) 277 final/1

Artikolu 2

Ibdel it-test kif ġej:

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 huwa emendat kif ġej:

Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 huwa emendat kif ġej:

fl-Artikolu 8(1), it-tieni inċiż jinbidel b’dan li ġej:

fl-Artikolu 8(1), it-tieni inċiż jinbidel b’dan li ġej:

 

“—

kull tliet sigħat ta’ ħin akkumulat ta’ sewqan u kull darba li l-vettura tgħaddi minn fruntiera għall-oħra;”;

 

“—

kull tliet sigħat ta’ ħin akkumulat ta’ sewqan u kull darba li l-vettura tgħaddi minn fruntiera għall-oħra;”;

(1)

fl-Artikolu 34(7), l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

(1)

fl-Artikolu 34(7), l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

 

“7.   Ix-xufier għandu jdaħħal fit-takografu diġitali s-simboli tal-pajjiżi li fihom ikun inbeda u ntemm il-perjodu tax-xogħol ta’ kuljum, kif ukoll fejn u meta x-xufier ikun għadda minn fruntiera għall-oħra fil-vettura meta jasal f’post ta’ waqfien adattat. Stat Membru jista’ jeħtieġ li x-xufiera ta’ vetturi li jwettqu operazzjonijiet tat-trasport fit-territorju tagħhom iżidu speċifikazzjonijiet ġeografiċi aktar dettaljati mas-simbolu tal-pajjiż, diment li dawk l-Istati Membri jkunu nnotifikaw dawk l-ispeċifikazzjonijiet ġeografiċi dettaljati lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ April 1998.”

 

“7.   Ix-xufier għandu jdaħħal fit-takografu diġitali s-simboli tal-pajjiżi li fihom ikun inbeda u ntemm il-perjodu tax-xogħol ta’ kuljum, kif ukoll fejn u meta x-xufier ikun għadda minn fruntiera għall-oħra fil-vettura meta jasal f’post ta’ waqfien adattat. Stat Membru jista’ jeħtieġ li x-xufiera ta’ vetturi li jwettqu operazzjonijiet tat-trasport fit-territorju tagħhom iżidu speċifikazzjonijiet ġeografiċi aktar dettaljati mas-simbolu tal-pajjiż, diment li dawk l-Istati Membri jkunu nnotifikaw dawk l-ispeċifikazzjonijiet ġeografiċi dettaljati lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ April 1998.”

 

(3)

L-Artikolu 3(4) jinbidel b’dan li ġej:

Ħames snin wara li vetturi ġodda irreġistrati jkunu obbligati jkollhom takografu kif previst fl-Artikoli 8, 9 u 10, il-vetturi li joperaw fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tagħhom għandu jkollhom immuntat tali takografu.

 

(4)

L-Artikolu 9(2) jinbidel b’dan li ġej:

Ħames snin wara li vetturi ġodda irreġistrati jkunu obbligati li jkollhom takografu kif previst f’dan l-Artikolu u fl-Artikoli 8 u 10, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ kontroll tagħhom kemm ikun meħtieġ tagħmir ta’ identifikazzjoni bikrija mill-bogħod biex jippermetti l-komunikazzjoni ta’ data msemmija f’dan l-Artikolu, b’kont meħud tar-rekwiżiti u l-istrateġiji speċifiċi tagħhom tal-infurzar. Sa dak iż-żmien, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk jipprovdux lill-awtoritajiet ta’ kontroll tagħhom tali tagħmir ta’ identifikazzjoni bikrija mill-bogħod.

Raġuni

It-takografi intelliġenti jirrappreżentaw opportunità biex jippermettu kontrolli diġitali interoperabbli veloċi u l-infurzar tar-regoli. Id-data ta’ skadenza tal-2034 mhijiex aċċettabbli. Għalhekk qed jiġi propost li l-perjodu ta’ “15-il sena” jiġi sostitwit b’“5” snin sabiex jingħata perjodu ta’ tranżizzjoni raġonevoli għall-operaturi tat-trasport bit-triq.

EMENDA 3

COM (2017) 278 final – Parti 1

Artikolu 2

Biddel it-test tal-paragrafu 4 kif ġej

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri jistgħu jimponu biss ir-rekwiżiti amministrattivi u l-miżuri ta’ kontroll li ġejjin:

L-Istati Membri jistgħu jimponu biss ir-rekwiżiti amministrattivi u l-miżuri ta’ kontroll li ġejjin:

(a)

obbligu li operatur tat-trasport bit-triq stabbilit fi Stat Membru ieħor jibgħat dikjarazzjoni ta’ stazzjonar f’forma elettronika lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali mhux aktar tard minn meta jibda l-istazzjonar, b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti jew bl-Ingliż u li jkun fiha biss l-informazzjoni li ġejja:

(a)

obbligu li operatur tat-trasport bit-triq stabbilit fi Stat Membru ieħor jibgħat dikjarazzjoni ta’ stazzjonar f’forma elettronika lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali mhux aktar tard minn meta jibda l-istazzjonar, b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti jew bl-Ingliż u li jkun fiha biss l-informazzjoni li ġejja:

 

(i)

l-identità tal-operatur tat-trasport bit-triq;

 

(i)

l-identità tal-operatur tat-trasport bit-triq;

 

(ii)

id-dettalji ta’ kuntatt ta’ maniġer tat-trasport jew ta’ persuna/i oħra ta’ kuntatt fl-Istat Membru ta’ stabbiliment biex jikkomunikaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li fih ikunu qed jiġu pprovduti s-servizzi, u biex jibagħtu u jirċievu dokumenti jew avviżi;

 

(ii)

id-dettalji ta’ kuntatt ta’ maniġer tat-trasport jew ta’ persuna/i oħra ta’ kuntatt fl-Istat Membru ta’ stabbiliment biex jikkomunikaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li fih ikunu qed jiġu pprovduti s-servizzi, u biex jibagħtu u jirċievu dokumenti jew avviżi;

 

(iii)

l-għadd antiċipat u l-identitajiet tax-xufiera stazzjonati;

 

(iii)

l-għadd antiċipat u l-identitajiet tax-xufiera stazzjonati;

 

(iv)

kemm mistenni jdum, id-data prevista tal-bidu u tat-tmiem tal-istazzjonar;

 

(iv)

kemm mistenni jdum, id-data prevista tal-bidu u tat-tmiem tal-istazzjonar;

 

(v)

in-numri tal-pjanċi ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi li jintużaw fl-istazzjonar;

 

(v)

in-numri tal-pjanċi ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi li jintużaw fl-istazzjonar;

 

(vi)

it-tip ta’ servizzi tat-trasport, jiġifieri l-ġarr tal-merkanzija, it-trasport tal-passiġġieri, it-trasport internazzjonali, l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ;

 

(vi)

it-tip ta’ servizzi tat-trasport, jiġifieri l-ġarr tal-merkanzija, it-trasport tal-passiġġieri, it-trasport internazzjonali, l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ;

(b)

obbligu li x-xufier iżomm u jagħmel disponibbli fuq karta jew f’forma elettronika, meta mitlub waqt kontroll fil-ġenb tat-triq, kopja tad-dikjarazzjoni tal-istazzjonar u evidenza dwar l-operazzjoni tat-trasport li tkun qed isseħħ fl-Istat Membru ospitanti, bħal nota ta’ konsenja elettronika (e-CMR) jew il-provi msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(b)

obbligu li x-xufier iżomm u jagħmel disponibbli fuq karta jew f’forma elettronika, meta mitlub waqt kontroll fil-ġenb tat-triq, kopja tad-dikjarazzjoni tal-istazzjonar u evidenza dwar l-operazzjoni tat-trasport li tkun qed isseħħ fl-Istat Membru ospitanti, bħal nota ta’ konsenja elettronika (e-CMR) jew il-provi msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(c)

obbligu li x-xufier iżomm u jagħmel disponibbli, meta mitlub waqt kontroll fil-ġenb tat-triq, ir-reġistrazzjonijiet tat-takografu, u b’mod partikolari l-kodiċijiet tal-pajjiż tal-Istati Membri li fihom kien preżenti x-xufier meta kien qed iwettaq operazzjonijiet tat-trasport internazzjonali bit-triq jew operazzjonijiet ta’ kabotaġġ;

(c)

obbligu li x-xufier iżomm u jagħmel disponibbli, meta mitlub waqt kontroll fil-ġenb tat-triq, ir-reġistrazzjonijiet tat-takografu, u b’mod partikolari l-kodiċijiet tal-pajjiż tal-Istati Membri li fihom kien preżenti x-xufier meta kien qed iwettaq operazzjonijiet tat-trasport internazzjonali bit-triq jew operazzjonijiet ta’ kabotaġġ;

(d)

obbligu li x-xufier iżomm u jagħmel disponibbli fuq karta jew f’forma elettronika, meta mitlub waqt kontroll fil-ġenb tat-triq, kopja tal-kuntratt ta’ impjieg jew dokument ekwivalenti skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE, tradott lejn waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti jew bl-Ingliż;

(d)

obbligu li x-xufier iżomm u jagħmel disponibbli fuq karta jew f’forma elettronika, meta mitlub waqt kontroll fil-ġenb tat-triq, kopja tal-kuntratt ta’ impjieg jew dokument ekwivalenti skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE, tradott lejn waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti jew bl-Ingliż;

(e)

obbligu li x-xufier jagħmel disponibbli fuq karta jew f’forma elettronika, meta mitlub waqt kontroll fil-ġenb tat-triq, kopja tar-riċevuti tal-paga tal-aħħar xahrejn; waqt li jkun qed isir il-kontroll fil-ġenb tat-triq, ix-xufier għandu jitħalla jikkuntattja lill-uffiċċju prinċipali, lill-maniġer tat-trasport jew lil kwalunkwe persuna jew entità oħra li tista’ tipprovdi din il-kopja;

(e)

obbligu li x-xufier jagħmel disponibbli fuq karta jew f’forma elettronika, meta mitlub waqt kontroll fil-ġenb tat-triq, kopja tar-riċevuti tal-paga tal-aħħar xahrejn; waqt li jkun qed isir il-kontroll fil-ġenb tat-triq, ix-xufier għandu jitħalla jikkuntattja lill-uffiċċju prinċipali, lill-maniġer tat-trasport jew lil kwalunkwe persuna jew entità oħra li tista’ tipprovdi din il-kopja;

(f)

obbligu li x-xufier, wara l-perjodu ta’ stazzjonar, jippreżenta fuq karta jew f’forma elettronika, kopji tad-dokumenti msemmija fil-punti (b), (c) u (e), fuq talba tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti f’perjodu ta’ żmien raġonevoli;

(f)

obbligu li x-xufier, wara l-perjodu ta’ stazzjonar, jippreżenta fuq karta jew f’forma elettronika, kopji tad-dokumenti msemmija fil-punti (b), (c) u (e), fuq talba tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti f’perjodu ta’ żmien raġonevoli;

 

(g)

obbligu li operatur tat-trasport bit-triq jagħmel disponibbli għas-sewwieq kopja tad-dokumenti, f’forma stampata jew elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 4, punti (b), (d) u (e) qabel l-istazzjonar tas-sewwieq.

Raġuni

Għandha tkun ir-responsabilità tal-operatur tat-trasport bit-triq li jagħmel disponibbli d-dokumentazzjoni meħtieġa relatata mal-istazzjonar u li għandha tiġi preżentata għall-kontrolli mal-ġenb tat-triq.

EMENDA 4

COM (2017) 281 final – Parti 1

Artikolu 1

Emenda l-paragrafu 1, punt (b)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(b)

Jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

(b)

Jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

 

“6.    L-Artikolu 3(1)(b) u (d) u l- Artikoli 4, 6, 8, 9, 14, 19 u 21  ma għandhomx japplikaw għal impriżi li jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq permezz ta’ vetturi bil-mutur biss b’massa mgħobbija permissibbli li ma taqbiżx it-3,5 tunnellati jew kombinamenti ta’ vetturi b’massa mgħobbija permissibbli li ma taqbiżx it-3,5 tunnellati.

 

“6.   L-Artikoli 4, 9, u 14 ma għandhomx japplikaw għal impriżi li jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq permezz ta’ vetturi bil-mutur biss b’massa mgħobbija permissibbli li ma taqbiżx it-3,5 tunnellati jew kombinamenti ta’ vetturi b’massa mgħobbija permissibbli li ma taqbiżx it-3,5 tunnellati , ħlief f’każijiet fejn dawn il-vetturi jwettqu trasport internazzjonali kif definit mir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 .

 

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu:

 

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu:

 

(a)

jitolbu lil dawk l-impriżi japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu, jew uħud minnhom;

 

(a)

jitolbu lil dawk l-impriżi japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu, jew uħud minnhom;

 

(b)

inaqqsu l-limitu msemmi fl-ewwel subparagrafu għall-kategoriji kollha tal-operazzjonijet tat-trasport bit-triq, jew għal xi wħud minnhom.”;

 

(b)

inaqqsu l-limitu msemmi fl-ewwel subparagrafu għall-kategoriji kollha tal-operazzjonijet tat-trasport bit-triq, jew għal xi wħud minnhom.”;

Raġuni

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-intrapriżi ż-żgħar li jwettqu operazzjonijiet tat-trasport nazzjonali jew għall-użu proprju biss, qed jiġi propost li jiġu estiżi l-erba’ kriterji tal-aċċess għax-xogħol biss għal vetturi kummerċjali ħfief li huma involuti fit-trasport internazzjonali.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea fl-isforzi tagħha biex tapprofondixxi s-suq uniku fis-settur tat-trasport internazzjonali bit-triq, taħt kundizzjonijiet ta’ ġustizzja soċjali u konverġenza ta’ arranġamenti ta’ ħidma, fattur essenzjali għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, iżda għandu ċerti riżervi dwar l-inklużjoni wiesgħa tas-servizzi tat-trasport internazzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema;

2.

jinnota li t-trasport bit-triq huwa l-forza ewlenija tal-ekonomija tal-UE, u għandu jibqa’ fuq quddiem nett fil-ġenerazzjoni ta’ aktar tkabbir ekonomiku u impjiegi, filwaqt li jinżammu kundizzjonijiet ekwi u jippromwovi l-kompetittività u l-koeżjoni territorjali;

3.

jirrimarka li s-settur tat-trasport bit-triq fl-Istati Membri kollha huwa kkaratterizzat minn differenzi kbar f’termini ta’ paga u, b’mod iktar ġenerali, fil-leġislazzjoni dwar ix-xogħol li hija applikata. Ħafna pajjiżi jimponu restrizzjonijiet regolatorji addizzjonali. Id-differenzi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol jistgħu jirriżultaw f’distorsjoni tal-kompetizzjoni u jippreġudikaw is-sigurtà fit-toroq. Din il-problema hija partikolarment akuta f’reġjuni transkonfinali, fejn hemm differenzi sinifikanti fil-livelli ta’ għajxien fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera;

4.

konsegwentement jenfasizza l-ħtieġa, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà u l-kompetittività tas-settur tat-trasport fis-suq uniku, biex ikunu garantiti kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u livell għoli ta’ sikurezza fit-toroq. Fis-settur tat-trasport Ewropew għandu jiġi applikat ukoll il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet ta’ reġjuni aktar periferiċi;

5.

jirrimarka li l-problemi ewlenin fil-qasam tat-trasport, li l-leġislazzjoni proposta għandha l-għan li ssolvi, jirriżultaw primarjament min-nuqqas ta’ livell suffiċjenti ta’ koeżjoni soċjali bejn ir-reġjuni. Il-koeżjoni miżjuda se tnaqqas id-distakk sinifikanti fil-pagi, b’hekk bosta mir-regoli dwar il-kabotaġġ u x-xogħol isiru inutli, u permezz ta’ dan jitnaqqas ir-riskju tad-dumping soċjali u jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni;

6.

jinnota li d-dispożizzjonijiet ippjanati essenzjalment ifittxu bilanċ bejn il-ħtieġa minn grupp ta’ pajjiżi biex iżommu l-istatus quo fir-rigward ta’ serje ta’ proċeduri u deċiżjonijiet li jirregolaw is-settur tat-trasport, u l-ħtieġa li jkomplu japprofondixxu s-suq uniku billi jiġi armonizzat il-qafas li jirregola s-settur, bl-uniċi salvagwardji jkunu s-sigurtà fit-toroq, il-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u s-sikurezza tas-sewwieqa u tal-merkanzija trasportata. Jitlob f’dan il-kuntest biex l-istandards soċjali jiġu rispettati bis-sħiħ u jiddikjara li d-dumping soċjali għad-detriment ta’ sewwieqa ta’ trakkijiet mhuwiex aċċettabbli;

7.

f’dan ir-rigward, jenfasizza li f’settur mhux regolat u kompetittiv għandu jkun hemm trasparenza fir-rigward ta’ regolamenti, proċeduri ta’ spezzjoni u sanzjonijiet, u l-utenti jiġu offruti l-aħjar servizz possibbli. L-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun obbligatorju, kif ukoll l-użu tat-teknoloġija aġġornata, bħall-introduzzjoni ta’ takografi intelliġenti, li għadhom soġġetti għal dewmien sinifikanti;

8.

jenfasizza li l-Istati Membri fil-periferija jiffaċċjaw diffikultajiet akbar biex jilħqu l-qalba tas-suq intern tal-UE. Jista’ jkun meħtieġ li wieħed jaqsam pajjiż jew saħansitra żewġ pajjiżi mhux tal-UE, u jkun hemm il-kontrolli doganali u tal-fruntieri kollha meħtieġa, li jirriżulta f’żieda totali ta’ ħin ta’ vjaġġar u konsegwentement żieda fl-ispiża. L-Irlanda tista’ wkoll taffaċċja diffikultajiet ta’ dan it-tip meta r-Renju Unit joħroġ mill-UE. Il-Kummissjoni hija mħeġġa tieħu l-inizjattiva b’miżuri speċjali biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni speċifika;

9.

jilqa’ t-tentattiv li jiġu introdotti regoli aktar ċari dwar il-kabotaġġ u l-impjieg ta’ sewwieqa f’settur tal-ekonomija li huwa importanti biex jinkiseb suq uniku b’mobilità għolja. Peress li l-kabotaġġ u l-istazzjonar tas-sewwieqa huma marbuta mill-qrib, għandha ssir diskussjoni jiġu adottati regoli ġodda dwarhom b’mod parallel;

10.

iwissi dwar ir-riskju ta’ kompetizzjoni inġusta minn operaturi tat-trasport minn barra l-UE, u jħeġġeġ li jiġi introdott qafas speċifiku ta’ kontrolli;

11.

jitlob għal kontrolli sistematiċi u awtomatizzati bl-għajnuna tat-takografi diġitali intelliġenti obbligatorji bħala kundizzjoni bażika għal suċċess f’li jkun żgurat li s-suq uniku jaħdem kif suppost, bi jew mingħajr bidliet għall-qafas istituzzjonali;

12.

fl-istess ħin, jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li ssir valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt tar-regoli proposti fuq l-SMEs fl-UE, u jqis li l-ispejjeż ta’ konformità jkunu ogħla;

Proposta fir-rigward tar-rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet tas-sewqan ta’ kuljum u fil-ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa u [li temenda] r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi (COM(2017) 277 final)

13.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-flessibbiltà akbar introdotta permezz tad-direttiva proposta dwar il-ħinijiet ta’ mistrieħ għas-sewwieqa, flimkien mal-kundizzjonijiet ta’ mistrieħ imtejba skont il-proposta;

14.

iqis li t-tibdil propost fil-kalkolu ta’ ħinijiet ta’ mistrieħ għas-sewwieqa u l-kundizzjonijiet, jekk implimentati kif suppost, u meta jitqies il-benefiċċju għas-sewwieqa, jistgħu jgħinu biex itejbu l-kundizzjonijiet li bihom is-sewwieqa jeżerċitaw il-professjoni tagħhom u b’hekk jiżdied il-livell globali ta’ sikurezza tat-trasport;

15.

fl-istess ħin, huwa mħasseb dwar il-fatt li jekk il-flessibbiltà proposta tintuża minn min iħaddem bħala mezz ta’ pressjoni, dawn jistgħu jippreġudikaw is-sikurezza tat-toroq u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa;

16.

jinnota wkoll li hemm riskju ta’ abbuż, peress li se jkun għadu possibbli li jħallsu lis-sewwieqa biss għas-sigħat li effettivament isuqu fihom u mhux għall-perjodi ta’ mistrieħ; Jitlob li s-sewwieqa jitħallsu skont is-sigħat huma jkunu ħadmu, inkluż barra mill-vettura;

17.

jindika l-ħtieġa għal definizzjonijiet ċari tal-kunċetti dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ, sabiex jiġu ċċarati oqsma mhux ċari, bħal meta jibdew il-ħinijiet ta’ stennija tal-kontrolli doganali;

18.

jiġbed l-attenzjoni lejn in-nuqqas ta’ parkeġġ sikur għal vetturi u żoni ta’ mistrieħ għas-sewwieqa fuq l-awtostradi Ewropej u l-fatt li se jkun impossibbli li tiġi implimentata il-leġislazzjoni proposta qabel ma jinħolqu żoni bħal dawn. Dan ser jeħtieġ żmien u investiment sinifikanti;

19.

jiddispjaċih li ntilfet l-opportunità biex titħaffef l-introduzzjoni ta’ takografi intelliġenti, u jwissi li s-sottomissjoni ta’ dettalji ta’ vvjaġġar bil-miktub qed tgħin biex tittawwal sitwazzjoni fejn huwa impossibbli li jitwettqu kontrolli komprensivi, u huwa mistenni li tiġġenera konġestjoni tat-traffiku fil-fruntieri, fejn il-faċilitajiet ta’ parkeġġ għal dan il-għan jistgħu ma jeżistux;

20.

iħeġġeġ biex titħaffef l-introduzzjoni ta’ takografi intelliġenti mill-kumpaniji tat-trasport u t-teknoloġija li tippermitti l-qari tagħhom mill-bogħod minn awtoritajiet ta’ infurzar;

Il-proposta li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq (COM(2017) 278 final), u l-proposta li temenda r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur (COM(2017) 281 final)

21.

iqis li l-limitu ta’ tlett ijiem qabel ma jibda l-istazzjonar jippermetti trasport internazzjonali mingħajr ostakli. Fl-istess ħin, il-bidu immedjat għall-istazzjonar fil-każ ta’ kabotaġġ joħloq qafas li jista’ jipproteġi kontra ż-żieda fil-kompetizzjoni inġusta; ifakkar li l-kabotaġġ illegali jwassal għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u joħloq żbilanċi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni b’differenzi sostanzjali fl-ispiża tal-pagi;

22.

jinnota li r-regoli l-ġodda dwar il-kabotaġġ issaħħu s-suq uniku u se jirriżultaw ukoll f’għadd inqas ta’ ksur tal-liġi, jiffaċilitaw il-kontrolli u jkollhom effett pożittiv fuq l-impatt ambjentali ġenerali tat-trasport bit-triq, peress li se jnaqqas drastikament l-għadd ta’ vjaġġi vojta;

23.

jissuspetta madankollu li r-regoli ta’ stazzjonar proposti ser iżidu l-ispejjeż amministrattivi kemm għan-negozji u kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri: peress li x-xufiera jistgħu faċilment jaqbżu l-limitu, ser ikunu meħtieġa l-proċeduri burokratiċi ta’ spiss ħafna sabiex tiġi implimentata u mmonitorjata l-leġislazzjoni dwar ix-xogħol tal-pajjiż ospitanti;

24.

jistenna li jkun hemm impatt fuq il-prezzijiet ta’ oġġetti trasportati, peress li għalkemm it-tnaqqis ta’ vjaġġi vojta b’vetturi mhux mgħobbija se jnaqqas l-ispejjeż, iż-żieda fl-ispiża amministrattiva tal-konformità ser ikollha l-effett oppost, b’parti tal-ispejjeż li jirriżultaw possibbilment jiġu mgħoddija lill-konsumaturi;

25.

jiġbed l-attenzjoni lejn il-firxa wiesgħa ta’ regoli dwar il-moviment ta’ vetturi tqal tal-merkanzija fl-Istati Membri, bħal-liġijiet dwar l-użu ta’ awtostradi fi tmiem il-ġimgħa, u jitlob l-introduzzjoni ta’ linji gwida komuni dwar din il-kwistjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali;

26.

jindika li r-regoli proposti jagħmluha partikolarment diffiċli li tbassar l-ispejjeż tax-xogħol, li se jkollu impatt fuq in-natura tat-trasport, pereżempju rigward il-kriterji tal-iskedar;

27.

jistenna li, fil-prattika, il-kontrolli tal-konformità tal-leġislazzjoni tax-xogħol fit-triq se tkun partikolarment problematika. Min-naħa tagħhom, is-sewwieqa se jkunu vulnerabbli għar-riskju li jagħmlu l-iżbalji u konsegwentement isofru s-sanzjonijiet; għaldaqstant iqis li huwa importanti li jintbagħtu twissijiet qabel ma jiġu imposti s-sanzjonijiet attwali;

28.

sabiex tiġi semplifikata l-proċedura, jissuġġerixxi li jiġi kkunsidrat li tingħata allokazzjoni ta’ kuljum ponderata bħala soluzzjoni possibbli: din titħallas lix-xufiera f’konformità mal-pajjiż li jipprovdi x-xogħol tat-trasport ikkombinat mal-pajjiż fejn jinsabu l-kwartieri ġenerali tal-kumpanija tat-trasport. Sabiex tiġi kkalkolata din l-allokazzjoni, jista’ jsir użu tal-klassifikazzjoni pruvata tal-Istati Membri abbażi tal-PDG per capita, eżattament bl-istess mod bħal meta tiġi implimentata l-politika ta’ koeżjoni;

29.

jinsab sodisfatt li l-Kummissjoni qed tippromovi sistemi ta’ reġistrazzjoni u miżuri ta’ konformità għall-katina kollha tat-trasport, bħal takografi intelliġenti u noti ta’ konsenja elettronika (e-CMR), flimkien mal-istandardizzazzjoni tad-dokumenti u l-proċeduri sabiex jittejjeb il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-leġislazzjoni filwaqt li sa ċertu punt ikun fih l-ispejjeż amministrattivi;

30.

jilqa’ l-kjarifika tal-kundizzjonijiet għad-dħul fil-professjoni tat-trasport u l-miżuri biex jiġi miġġieled il-ħolqien ta’ kumpaniji “letterbox”; għandhom jiġu kkunsidrati miżuri li jiżguraw li tingħata prova tal-post tal-attività ekonomika attwali ta’ intrapriża;

31.

jinnota li r-riforma proposta tal-leġislazzjoni, fir-rigward tal-vetturi kummerċjali ħfief (inqas minn 3,5 tunnellata) hija pass fid-direzzjoni t-tajba għall-prevenzjoni li dawn il-vetturi jevitaw id-drittijiet soċjali u tax-xogħol;

32.

jipproponi li, sa fejn ikun possibbli, jiddaħħlu regoli uniformi għal din il-kategorija ta’ vetturi, b’hekk jitnaqqas l-ambitu għal flessibbiltà tal-Istati Membri iżda jirrikonoxxi wkoll il-fatt li vetturi kummerċjali ħfief għandhom ikunu regolati minn qafas aktar sempliċi;

33.

iqis li t-tentattiv li sar mill-Kummissjoni sabiex jiġu identifikati t-tipi ta’ ksur u l-gravità tagħhom hija pass fid-direzzjoni t-tajba, peress li ser jipprovdi punt ta’ riferiment għall-awtoritajiet nazzjonali u l-operaturi fis-settur u jikkontribwixxi lejn konverġenza dwar kif jiġu indirizzati l-każijiet ta’ ksur;

34.

jindika li l-iffokar mistenni tal-kontrolli fuq il-kumpaniji li jwettqu aktar ksur ser jgħin biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u jikkontribwixxi għall-indirizzar b’suċċess tal-ksur; jappella għall-adozzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll komuni fil-livell tal-UE; barra minn hekk jilqa’ l-proposta li kwalunkwe ksur tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema għandu jiġi kkunsidrat għar-reputazzjoni tajba ta’ maniġer tat-trasport jew ta’ intrapriża tat-trasport. Il-lista ta’ infrazzjonijiet li jwasslu għat-telfa tar-reputazzjoni tajba tal-operaturi tat-trasport bit-triq (ir-Regolament 1071/2009) għandha tinkludi wkoll il-kabotaġġ illegali;

35.

iwissi dwar ir-riskju li jiġi ripetut il-kabotaġġ fil-fruntieri ta’ pajjiżi b’diversi spejjeż ta’ pagi;

36.

jiddispjaċih dwar id-dewmien il-ġdid fl-operazzjoni sħiħa tar-Reġistru Ewropew tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU), u jappella lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi pendenti tagħhom malajr kemm jista’ jkun; fl-istess ħin iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tesplora l-fattibbiltà li jingħaqdu l-bażijiet tad-data eżistenti bħal TACHOnet, ERRU u dawk għat-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq;

Proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 2006/1/KE dwar l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq (COM(2017) 282 final)

37.

jilqa’ l-proposta għal liberalizzazzjoni sħiħa tal-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr xufiera għall-ġarr ta’ merkanzija għall-operazzjonijiet fuq kont proprju madwar l-UE, irrispettivament minn fejn wieħed ikun impjegat, bħala liberalizzazzjoni sinifikanti tas-suq u miżura li huwa jqis li se jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u jgħin biex jittejjeb l-ambjent;

38.

jilqa’ wkoll il-liberalizzazzjoni parzjali ta’ kiri ta’ vetturi mingħajr sewwieqa minn Stat Membru ieħor għal attivitajiet kummerċjali bħala soluzzjoni potenzjali għas-sitwazzjoni attwali fejn il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tat-trasport fil-pajjiżi tal-UE jvarjaw;

Sommarju

39.

iqis li, fi sforz biex jitlesta s-suq uniku fit-trasport internazzjonali bit-triq, fatturi bħal rekwiżiti ambjentali, il-konverġenza ekonomika, il-leġislazzjoni tal-Istati Membri individwali u l-ħolqien ta’ kompetizzjoni b’saħħitha għandhom jiġu kkombinati;

40.

minħabba l-prospett ta’ żviluppi diġitali u teknoloġiċi futuri fit-trasport, jitlob li jingħata inkoraġġiment attiv tat-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, pereżempju, billi jiġi rikonoxxut li dan huwa eliġibbli għall-finanzjament mill-politika ta’ koeżjoni;

41.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex timponi regoli uniformi għal rappurtar regolari ta’ kontroll u attivitajiet ta’ sorveljanza mwettqa mill-Istati Membri, u jħeġġiġha ssaħħaħ il-kontrolli tagħha, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni amministrattiva transnazzjonali u l-interpretazzjoni u l-infurzar korrett u mhux diskriminatorju tal-leġislazzjoni eżistenti;

42.

jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-leġislazzjoni proposta sistematikament u mingħajr eċċezzjonijiet, iżidu l-ispezzjonijiet, inkluż spezzjonijiet fuq vetturi minn pajjiżi li mhumiex fl-UE, kif ukoll li jiġu imposti penali xierqa, b’hekk jippromovu l-armonizzazzjoni effettiva tar-regoli. Dan ser isaħħaħ is-suq intern u jippromwovi l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, u jagħti spinta lill-kompetittività tal-UE u r-reġjuni tagħha.

43.

jistenna bil-ħerqa titjib ġenerali fil-livell tas-servizzi tat-trasport ipprovduti, li jikkontribwixxi għall-koeżjoni territorjali u kwalità tal-ħajja aħjar għaċ-ċittadini.

Brussell, l-1 ta’ Frar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/66


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Ewropa attiva: il-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ mobilità bla xkiel

(2018/C 176/14)

Relatur:

Ivan Žagar (SI/PPE), Sindku ta’ Slovenska Bistrica

Dokumenti ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Ewropa attiva: Aġenda għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobilità kompetittiva, konnessa u mingħajr ħsara għall-ambjent għal kuħadd

COM (2017) 283 — final

Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni – li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ewropa Attiva: Aġenda għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobilità kompetittiva, konnessa u mingħajr ħsara għall-ambjent għal kuħadd

SWD(2017) 177 — final

Commission Staff Working Document – Towards clean, competitive and connected mobility: the contribution of Transport Research and Innovation to the Mobility package (mhux disponibbli bil-Malti)

SWD(2017) 223 — final

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi

COM (2017) 275 — final

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi tqal tal-merkanzija għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet dwar it-tassazzjoni fuq il-vetturi

COM (2017) 276 — final

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni (tfassil mill-ġdid)

COM (2017) 280 — final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

COM (2017) 275 final – Parti 1

Artikolu 1

Paragrafu (3)

Ibdel it-test kif ġej:

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 (1a), l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu ħlasijiet għall-użu tat-triq uħlasijiet fuq l-utenti fuq in-netwerk trans-Ewropew tat-toroq jew fuq ċerti sezzjonijiet ta’ dak in-netwerk, u fuq kwalunkwe sezzjoni oħra addizzjonali tan-netwerk tal-awtostradi tagħhom li mhux parti min-netwerk trans-Ewropew tat-toroq skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 3 sa 9 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikoli 7a sa 7k.

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 (1a), l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti jistgħu jżommu jew jintroduċu ħlasijiet għall-użu tat-triq uħlasijiet fuq l-utenti fuq in-netwerk trans-Ewropew tat-toroq jew fuq ċerti sezzjonijiet ta’ dak in-netwerk, u fuq kwalunkwe sezzjoni oħra addizzjonali tan-netwerk tal-awtostradi tagħhom li mhux parti min-netwerk trans-Ewropew tat-toroq skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 3 sa 9 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikoli 7a sa 7k.

2.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri, f’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li japplikaw ħlasijiet għall-użu tat-triq u ħlasijiet fuq l-utenti fuq toroq oħra, dment li l-impożizzjoni ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq u ħlasijiet fuq l-utenti fuq toroq oħra bħal dawn ma tiddiskriminax kontra t-traffiku internazzjonali u ma tirriżultax f’distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi. Il-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utenti għal toroq minbarra toroq tan-netwerk trans-Ewropew u minbarra l-awtostradi għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 7a u l-Artikolu 7j(1), (2) u (4).

2.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti , f’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li japplikaw ħlasijiet għall-użu tat-triq u ħlasijiet fuq l-utenti fuq toroq oħra, dment li l-impożizzjoni ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq u ħlasijiet fuq l-utenti fuq toroq oħra bħal dawn ma tiddiskriminax kontra t-traffiku internazzjonali u ma tirriżultax f’distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi. Il-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utenti għal toroq minbarra toroq tan-netwerk trans-Ewropew u minbarra l-awtostradi għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 7a u l-Artikolu 7j(1), (2) u (4).

Raġuni

In-nollijiet eżistenti u futuri tat-toroq jitħaddmu fil-parti l-kbira mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandu jibqa’ jkollhom il-ġestjoni tal-livell u d-dettalji tal-imposti. Dan speċjalment f’dak li jirrigwarda d-distribuzzjoni artifiċjali ta’ traffiku lejn in-netwerk tat-toroq sekondarji minħabba l-pedaġġi imposti għat-toroq primarji.

Emenda 2

COM (2017) 275 final – Parti 1

Artikolu 1

Paragrafu (14)

Punt (b)

Ibdel it-test kif ġej:

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

“3.   Id-dħul iġġenerat mit-tariffi tal-konġestjoni, jew l-ekwivalenti f’valur finanzjarju ta’ dak id-dħul, għandu jintuża biex tiġi indirizzata l-problema tal-konġestjoni, b’mod partikolari billi:

“3.   Id-dħul iġġenerat mit-tariffi tal-konġestjoni, jew l-ekwivalenti f’valur finanzjarju ta’ dak id-dħul, għandu jintuża biex tiġi indirizzata l-problema tal-konġestjoni, b’mod partikolari billi:

(a)

jiġu appoġġati infrastrutturi u servizzi tat-trasport kollettiv;

(b)

jiġu eliminati l-punti ta’ konġestjonijiet fin-netwerk trans-Ewropew tat-trasport;

(c)

tiġi żviluppata infrastruttura alternattiva għall-utenti tat-trasport.”

(a)

jiġu appoġġati infrastrutturi u servizzi tat-trasport kollettiv;

(b)

jiġu eliminati l-punti ta’ konġestjonijiet fin-netwerk trans-Ewropew tat-trasport;

(c)

tiġi żviluppata infrastruttura alternattiva għall-utenti tat-trasport.;

(d)

jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ trasport lokali u reġjonali.

 

L-Istati Membri se jitqies li japplikaw din id-dispożizzjoni jekk jimplimentaw politika ta’ għajnuna li tiżgura finanzjament għall-iżvilupp ta’ netwerk tat-trasport lokali u reġjonali bil-għan li jiġu indirizzati u mtaffija r-raġunijiet għall-konġestjonijiet, sa valur ta’ mill-inqas 15 % tad-dħul iġġenerat mit-tariffi tal-konġestjoni.

Raġuni

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jqis li t-test tad-Direttiva għandu jkun aktar espliċitu permezz ta’ obbligu għall-organizzazzjonijiet li jiġbru t-tariffi biex jidderieġu parti mid-dħul lejn reġjuni periferiċi u reġjuni li huma ’l bogħod min-netwerk Ewropew.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Messaġġi prinċipali

1.

jenfasizza l-importanza ta’ sistema tat-trasport effiċjenti u sostenibbli għall-kompetittività ekonomika tal-bliet u r-reġjuni, kif ukoll l-importanza tagħha għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali tal-Unjoni Ewropea. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tat-trasport urban u reġjonali, u biex jiżguraw trasport pubbliku tal-passiġġieri fiż-żona tagħhom. Madankollu, it-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell lokali huwa marbut mill-qrib mal-qafas stabbilit mill-politiki nazzjonali u Ewropej;

2.

huwa konxju li l-ispejjeż esterni tat-trasport, bħall-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja jew akustiku, għandhom impatt serju fuq l-ambjent u s-saħħa, u fuq l-ekonomija b’mod ġenerali. Bħalissa, l-ispejjeż jitħallsu minn dawk li jiġġernerawhom sa ċertu livell biss, filwaqt li s-soċjetà tħallas il-bqija. It-trasport joħloq kważi wieħed minn kull ħamsa tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-Ewropa. Jinħtieġu b’mod urġenti miżuri biex it-trasport jiġi dekarbonizzat;

3.

jinnota li l-bini tal-infrastruttura jista’ jtejjeb il-koeżjoni territorjali u li llum il-ġurnata l-manutenzjoni tal-infrastruttura f’ħafna reġjuni tinsab f’livell tant baxx li hemm riskju li l-koeżjoni territorjali u soċjali se tiddeterjora. F’dawk iż-żoni fejn jinġabru l-pedaġġi stradali, hemm bżonn li l-flus li jinġabru jiġu investiti mill-ġdid fl-infrastruttura lokali u reġjonali, fuq kollox b’tali mod li jitnaqqsu d-differenzi fil-livell u l-kwalità tal-konnessjonijiet tar-reġjuni man-netwerk tat-trasport Ewropew; jitlob li jerġa’ jsir investiment fis-sistemi tat-trasport biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ta’ dawk is-sistemi bħala wieħed mill-għanijiet ewlenin;

4.

jenfasizza li l-pedaġġ stradali għandu l-ewwel u qabel kollox ikun ibbażat fuq id-distanza vvjaġġata u għandu jinkoraġġixxi l-użu ta’ infrastruttura f’perjodi kwieti. Kriterji oħrajn bħal pereżempju densità tat-traffiku, id-distanza minn ċentri tan-negozju u d-distanza bejn iċ-ċentri ta’ saħħa ekonomika jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati. L-ispejjeż għolja jew iż-żieda tagħhom għal aċċess għan-netwerk Ewropew jiddiskriminaw kontra reġjuni periferiċi u remoti u, barra dan, huma ta’ ħsara għall-koeżjoni territorjali u soċjali;

5.

jilqa’ bi pjaċir l-Aġenda għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobilità kompetittiva, konnessa u mingħajr ħsara għall-ambjent għal kulħadd, fejn huwa ddikjarat li huwa meħtieġ approċċ saħansitra aktar komprensiv f’termini ta’ livell (nazzjonali, reġjonali u lokali) u f’termini ta’ politiki differenti. Jikkondividi l-konvinzjoni li, sabiex jintlaħqu l-għanijiet li ġew stabbiliti, huma meħtieġa regoli u standards aktar immirati flimkien ma’ għadd kbir ta’ miżuri ta’ appoġġ;

6.

jenfasizza l-ħtieġa għal mobilità aktar konnessa u awtomatizzata u biex jinżamm ir-ritmu skont ix-xejriet attwali, bħalma huma l-elettromobbiltà u l-vetturi li jikkomunikaw ma’ vetturi oħrajn u mal-ambjent ta’ madwarhom (teknoloġija V2X);

7.

jemmen bis-sħiħ li d-diġitalizzazzjoni tat-trasport, pereżempju permezz ta’ sistemi ta’ informazzjoni tal-utenti, tista’ tottimizza l-flussi tat-traffiku u l-użu tal-infrastruttura tat-trasport; għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni kollha biex jiżviluppaw u jimplimentaw pjani għad-diġitalizzazzjoni interoperabbli tas-sistemi tat-trasport;

Ix-xejra lejn id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport

8.

itenni l-ħtieġa għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport.

Fil-preżent, it-trasport huwa l-uniku settur fejn l-emissjonijiet ta’ CO2 għadhom ogħla mil-livelli tal-1990 u qed ikompli jikber f’ħafna Stati Membri. Id-dokument ta’ politika dwar L-Ewropa attiva u l-leġislazzjoni proposta dwar ħlas għall-użu tal-infrastruttura huma l-ewwel żewġ passi lejn sistema tat-trasport b’livell baxx ta’ karbonju. M’hemmx dubju li l-imposti stradali bħala deterrent għal użu irrazzjonali tat-trasport bit-triq għandhom rwol ewlieni fid-dekarbonizzazzjoni;

9.

jiġbed l-attenzjoni lejn l-isfidi u l-opportunitajiet li ġġib magħha l-“mobilità ekoloġika”.

Meta jiġu implimentati miżuri restrittivi fir-rigward ta’ trasport ekoloġiku, għandha titqies l-importanza ekonomika tas-settur tat-trasport. Fid-dawl tal-fatt li t-trasport huwa wieħed mill-akbar setturi f’termini ta’ impjiegi u attività ekonomika, id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport se toħloq xi diffikultajiet. Madankollu, permezz ta’ trasport ekoloġiku u dekarbonizzat, se jinħolqu oqsma ta’ attività ekonomika ġodda u innovattivi, u l-Ewropa tista’ taqdi rwol ewlieni; huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b’mod progressiv tappoġġja t-tranżizzjoni lejn “mobilità ekoloġika” sabiex ittaffi l-effetti negattivi;

10.

jilqa’ bi pjaċir il-bidliet fit-tassazzjoni ta’ vetturi tqal tal-merkanzija, kif stabbilit fil-proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi tqal tal-merkanzija għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet dwar it-tassazzjoni fuq il-vetturi, peress li dawn ma jipprevenux lill-Istati Membri milli jżommu jew saħansitra jżidu t-taxxi fuq vetturi tqal tal-merkanzija jekk jagħżlu li jagħmlu dan;

11.

jirrimarka li fejn l-Istati Membri u r-reġjuni japplikaw bidliet fil-prinċipji tal-pedaġġ stradali (l-utent iħallas, min iniġġes iħallas), inevitabbilment dan se jwassal għal aktar vetturi li jużaw in-netwerks tat-toroq lokali, b’effetti negattivi fuq is-sikurezza u l-ambjent, u fuq l-ispejjeż ta’ manutenzjoni tan-netwerk tat-toroq lokali. Fl-istess ħin, se jkun hemm nuqqas ta’ użu tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-awtostrada. L-effett se jkun ċertament aktar qawwi f’dawk ir-reġjuni tal-UE li għandhom valur baxx taż-żmien, kif jikkonfermaw ir-riżultati tal-analiżijiet imwettqa minn reġjuni individwali. M’hemmx dubju li t-tneħħija gradwali tal-vinjetti, fejn jintużaw f’reġjuni bħal dawn, se jkollha għadd ta’ konsegwenzi negattivi;

Il-kwistjoni ta’ distorsjoni tas-suq u ta’ diskriminazzjoni fit-trasport

12.

jenfasizza l-kwistjoni ta’ distorsjoni tas-suq ikkawżata minn kompetizzjoni inġusta bejn il-mezzi tat-trasport b’mod partikolari.

Dan huwa partikolarment evidenti bejn il-linji ferrovjarji u t-toroq, iżda indirettament dan inaqqas ukoll il-kompetittività tat-trasport bl-ilma. Filwaqt li l-operaturi ferrovjarji jħallsu għall-użu tal-infrastruttura fin-netwerk kollu u l-ispejjeż esterni tat-trasport huma inklużi fil-prezz, attwalment it-trasport tal-merkanzija bit-triq biss huwa inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, li ma tkoprix it-totalità tal-ispejjeż esterni tat-trasport. Dan joħloq vantaġġ inġust għal mezzi tat-trasport li huma inqas ekoloġiċi;

13.

jinnota li l-utenti tat-toroq jinsabu f’pożizzjoni inugwali u li hemm bżonn jitħaddem il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni bejn it-tipi differenti ta’ vetturi tat-triq. Il-karozzi tal-passiġġieri, il-vannijiet, il-karozzi tal-linja u l-kowċis huma esklużi mill-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, minkejja li dawn il-vetturi huma l-iktar li qed iniġġsu l-ambjent (13,5 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE) u jikkawżaw ħsara għall-infrastruttura;

14.

jilqa’ b’sodisfazzjon it-tranżizzjoni lejn pedaġġi bbażati fuq id-distanza vvjaġġata, peress li dawn huma aktar ġusti minn imposti ta’ rata fissa għall-użu tat-toroq. Il-ħlas ta’ miżati u pedaġġi fuq bażi li tkun koordinata, diġitali u interoperabbli madwar l-UE kollha għandu joħloq kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għas-suq uniku u jiżgura li ma ssirx diskriminazzjoni bejn ċittadini tal-UE u operaturi tat-trasport minn Stati Membri differenti;

15.

jirrimarka li l-kalkolu tal-pedaġġi għandu jqis id-differenzi bejn ir-reġjuni f’termini ta’ densità tat-traffiku u distanza bejn iċ-ċentri kummerċjali u residenzjali;

16.

jappella għal ekwità fl-imposti għall-użu tat-toroq u għal armonizzazzjoni akbar tal-prezzijiet fir-rigward tat-tul tal-użu. Għandu jiġi żgurat proporzjon adatt bejn il-prezz għal użu fuq terminu qasir jew okkażjonali u l-prezz għal użu permanenti jew fit-tul;

17.

iqis li l-inklużjoni aktar konsistenti tal-karozzi tal-linja u tal-kowċis fis-sistema ta’ pedaġġ stradali hija meħtieġa mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u tnaqqas l-iżvantaġġi kompetittivi tat-trasport ferrovjarju, li jkollu jħallas it-tariffi tal-aċċess għall-binarji; jinnota, madankollu li fiż-żoni, fejn it-trasport ferrovjarju mhuwiex alternattiva serja għall-ivjaġġar, iż-żieda fl-ispejjeż għall-operaturi tal-karozzi tal-linja u tal-kowċis mhijiex mixtieqa;

L-isfidi tal-koeżjoni territorjali u soċjali

18.

jemmen li għandhom jiġu kkunsidrati aspetti tal-koeżjoni territorjali u soċjali. L-introduzzjoni ta’ skemi ta’ imposti stradali ma għandhiex twassal għal xi esklużjoni abbażi tal-post ġeografiku jew is-sitwazzjoni soċjoekonomika. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għal gruppi u reġjuni soċjalment vulnerabbli fejn m’hemmx alternattivi possibbli għal trasport bit-triq individwali. Il-gruppi bi dħul baxx ma għandhomx ibatu minħabba l-pedaġġi meta jivvjaġġaw lejn ix-xogħol bil-karozza tal-passiġġieri, jekk din tkun l-unika alternattiva vijabbli;

19.

jappella biex jiġi applikat il-prinċipju tas-solidarjetà (minn reġjuni li jiġġeneraw dħul lejn reġjuni li għadhom lura fl-iżvilupp) meta jiġi allokat id-dħul mill-pedaġġi, u biex dan tal-aħħar jerġa’ jiġi investit għall-infrastruttura tat-toroq lokali u l-iffinanzjar trasversali għal mezzi ta’ trasport aktar ekoloġiċi;

20.

jenfasizza l-bżonn li l-bliet u r-reġjuni jaċċettaw il-pedaġġi u jikkunsidrawhom għodda biex jilħqu l-miri ta’ żvilupp tagħhom. L-allokazzjoni tad-dħul mill-pedaġġi għandha rwol importanti f’dan ir-rigward. L-aċċettazzjoni tal-imposti għall-infrastruttura tat-toroq se tiddependi fuq l-ibbilanċjar tal-aspettattivi ta’ dawk li jridu li d-dħul ikun investit mill-ġdid fl-infrastruttura tat-toroq lokali u l-għan ġenerali ta’ investiment f’soluzzjonijiet alternattivi għat-trasport sostenibbli fit-tul;

21.

jinnota li l-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq bħala medja qed tonqos, u li jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment f’żoni li jiġġeneraw id-dħul. Il-pedaġġi stradali u t-tariffi tal-ispejjeż esterni miġbura f’reġjun wieħed jeħtieġ li jiġu investiti mill-ġdid fl-infrastruttura tat-trasport tar-reġjun f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti. Eċċezzjoni waħda tista’ tkun ir-ridistribuzzjoni ta’ ċerti pedaġġi minn żoni ta’ konġestjoni lejn żoni b’volumi baxxi tat-traffiku;

22.

jilqa’ bi pjaċir il-possibbiltà li jiġu imposti tariffi fuq l-infrastruttura fi proporzjon skont il-kwalità tat-toroq provduta (f’termini ta’ kapaċità u termini tekniċi), bħala miżura effettiva u adatta biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ manutenzjoni fqira tal-infrastruttura tat-toroq;

23.

jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal investiment f’modi ta’ trasport aktar ekoloġiċi. Bl-għan ta’ koeżjoni soċjali u territorjali, id-dħul mill-pedaġġi jista’ wkoll jiġi investit f’mezzi ta’ trasport aktar ekoloġiċi u fl-espansjoni tat-trasport pubbliku lejn reġjuni li mhumiex faċilment aċċessibbli;

24.

iqis li l-investiment f’reġjuni skarsament popolati u mbiegħda jista’ jkun diffiċli li jiġi implimentat fi sħubija pubblika-privata. Il-possibbiltà li l-kostruzzjoni/il-manutenzjoni jiġu fdati lil kumpanija privata bħala kumpens għall-pedaġġi miġbura mhijiex attraenti għal dawk ir-reġjuni li m’għandhomx biżżejjed traffiku għall-konċessjonarju privat. Għalhekk, bħala mudell adatt taħt ċerti ċirkostanzi f’ċerti reġjuni, tista’ tiġi kkunsidrata sħubija pubblika-privata għall-operazzjonijiet iżda din m’għandhiex tfixkel l-investiment pubbliku f’reġjuni inqas popolati jew imbiegħda;

25.

jiġbed l-attenzjoni dwar id-differenzi fl-aspettattivi u l-istandards bejn l-Istati Membri u r-reġjuni. Is-sistema Ewropea komuni ta’ imposti għall-ispejjeż esterni tistipula livelli limiti u standards minimi. Madankollu, din għandha tippermetti li l-Istati Membri (jew reġjuni) jaqbżuhom billi jistabbilixxu skemi aktar ambizzjużi fejn dan ikun ġustifikat minn ċirkustanzi speċjali li jwasslu għal spejjeż esterni għoljin. Jeħtieġ li l-ispejjeż ambjentali esterni għoljin (eż. f’reġjuni muntanjużi) jindirizzaw il-problemi fir-reġjun ikkonċernat;

L-interoperabbiltà transkonfinali u Ewropea tas-sistemi ta’ pedaġġ elettroniku

26.

jaqbel mal-osservazzjonijiet li minkejja d-Direttiva tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku (EETS) (2004) u d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tagħha (2009), m’hemmx interoperabbiltà transfruntiera ħlief għal eċċezzjonijiet rari – l-ispejjeż u l-inkonvenjenzi huma għalhekk imġarrbin mill-utenti u l-korpi li jipprovdu u jmantnu dawn is-sistemi. Għaldaqstant il-KtR jappoġġja l-bidliet ippjanati sabiex issir ħidma lejn il-kisba ta’ sistema interoperabbli madwar l-Ewropa fuq terminu twil ta’ żmien;

27.

jirrimarka li għandha tinstab soluzzjoni sempliċi u bi prezz li jintlaħaq. Jista’ jiddaħħal l-obbligu biex karozzi ġodda jkunu mgħammra b’din is-soluzzjoni jew biex tiġi installata kaxxa interoperabbli unika fuq il-vetturi l-oħrajn. Fiż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport, it-tagħmir elettroniku għall-imposti għal użu tat-trasport m’għandux jiddiskrimina fuq il-bażi ta’ oriġini nazzjonali jew reġjonali differenti. Għandha tiġi żgurata l-interoperabbiltà transkonfinali u pan-Ewropea tas-sistemi tal-ġbir tal-imposti u l-proporzjonalità tal-ispejjeż, kemm għall-użu fuq perjodu ta’ żmien qasir kif ukoll għall-użu fit-tul tagħhom; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu standardizzati aktar is-sistemi tal-imposti tat-toroq fl-iżvilupp ta’ standards mifruxin mal-UE kollha għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi;

28.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-data. Jeħtieġ jiġi stabbilit qafas legali b’saħħtu sabiex jipproteġi d-data personali filwaqt li l-operatur tal-pedaġġi jingħata l-informazzjoni minima;

29.

jappoġġja l-isforzi għal insegwiment transkonfinali u pan-Ewropew effettiv ta’ dawk li jwettqu reati. F’dan ir-rigward, il-prinċipju tal-protezzjoni tad-data m’għandux jintuża bħala raġuni biex ma titteħidx azzjoni kontra dawk li jiksru l-liġi.

Brussell, l-1 ta’ Frar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ