ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 153

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
2 ta' Mejju 2018


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il-Kunsill

2018/C 153/01

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 153/02

Rata tal-kambju tal-euro

7

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2018/C 153/03

Aġġornament tal-ammonti ta’ referenza għall-qsim tal-fruntieri esterni, kif imsemmi fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen)

8


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 153/04

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.8899 — OTPP/Carlyle/European Camping Group) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

9

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 153/05

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

11

2018/C 153/06

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

15


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Kunsill

2.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 153/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Marzu 2018

dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi

(2018/C 153/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 166(4) u l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikolu 153(2) u l-Artikolu 153(1)(b), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea

Billi:

(1)

Apprendistati ta’ kwalità u effettivi li jwasslu għal taħlita ta’ ħiliet relatati max-xogħol, esperjenza u tagħlim imsejsa fuq ix-xogħol u kompetenzi ewlenin li jiffaċilitaw id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, kif ukoll il-progressjoni tal-karrieri tal-adulti u t-transizzjoni fl-impjiegi. Huma jagħmlu parti tas-sistemi formali ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (EVT) u jeżistu b’mod parallel ma’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u/jew perkorsi vokazzjonali oħra.

(2)

Skemi ta’ apprendistati mfassla sew huma ta’ benefiċċju kemm għall-impjegaturi kif ukoll għall-istudenti kif ukoll għar-rinfurzar tal-ħolqa bejn id-dinja tax-xogħol u d-dinja tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Standards ta’ kwalità għolja jevitaw li l-apprendistati jkunu mmirati lejn impjiegi b’ħiliet baxxi u taħriġ inadegwat li jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tagħhom. Minbarra li jipprovdu mogħdija għall-eċċellenza, l-apprendistati ta’ kwalità jistgħu ukoll jikkontribwixxu għat-trawwim ta’ ċittadinanza attiva u inklużjoni soċjali permezz tal-integrazzjoni ta’ individwi ta’ sfondi soċjali u personali differenti fis-suq tax-xogħol.

(3)

Apprendistati ta’ kwalità u effettivi huma stabbiliti permezz ta’ sħubijiet strutturati li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, b’mod partikolari lis-sħab soċjali, lin-negozji, lill-korpi intermedji bħall-kmamar tal-industrija, tal-kummerċ u tas-snajja”, lill-organizzazzjonijiet professjonali u settorjali, lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali, lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-ġenituri, kif ukoll lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali. Mill-2013 ’l hawn, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, ppromwoviet il-provvista, il-kwalità u l-immaġni tal-apprendistati permezz tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, li s’issa mmobilizzat iktar minn 700 000 offerta għal apprendistati, għal taħriġiet prattiċi jew offerti għall-ewwel xogħol. Inizjattivi mmexxija min-negozji bħall-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ immobilizzaw iktar offerti u għenu biex jippromwovu s-sħubijiet bejn in-negozji u l-edukazzjoni madwar l-Unjoni.

(4)

Is-sħab soċjali transindustrijali Ewropej ġabru evidenza li tibni fuq il-kwalità u l-kosteffettività tal-apprendistati permezz tal-ħidma parallela tagħhom u permezz tad-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom Favur Viżjoni Komuni tal-Apprendistati minn Ġunju 2016 li kienet il-bażi għall-opinjoni dwar Viżjoni Komuni għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi u għal Tagħlim Imsejjes fuq ix-Xogħol adottata fit-2 ta’ Diċembru 2016 mill-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali (ACVT).

(5)

Sabiex jiġi żgurat involviment saħansitra aktar profond u ġenerali tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni organizzat smigħ f’żewġ stadji, fit-30 ta’ Marzu u fis-7 ta’ Ġunju 2017, ma’ sħab soċjali transindustrijali u settorjali Ewropej, u l-kmamar tal-kummerċ, tal-industrija u tas-snajja’.

(6)

Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) li ġie stabbilit għall-ewwel darba fl-2008 u ġie rivedut fl-2017 (1), itejjeb it-trasparenza, il-komparabbiltà u l-portabilità tal-kwalifiki taċ-ċittadini, inkluż l-apprendisti.

(7)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) (2) stabbilixxiet strument ta’ referenza biex jgħin lill-Istati Membri jippromwovu u jissorveljaw it-titjib kontinwu fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali tagħhom.

(8)

Permezz tal-Karta Ewropea tal-Kwalità tal-2012 dwar l-Internships u l-Apprendistati, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ ħeġġeġ lill-pajjiżi Ewropej, lill-istituzzjonijiet Ewropej u lis-sħab soċjali jistabbilixxu jew isaħħu oqfsa legali ta’ kwalità għall-apprendistati.

(9)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (3) tirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha ta’ età taħt il-25 sena jirċievu offerta ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta jispiċċaw bla xogħol jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali.

(10)

Is-sħab soċjali Ewropej, il-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Litwana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea impenjaw ruħhom biex jikkontribwixxu għall-provvista, għall-kwalità u għall-attraenza tal-apprendistati f’Dikjarazzjoni Konġunta li tistabbilixxi l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati fit-2 ta’ Lulju 2013.

(11)

Id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati mill-15 ta’ Ottubru 2013 innotat li l-effikaċja u l-attraenza tal-apprendistati jenħtieġ li titħeġġeġ bl-aderenza ta’ dawn għal diversi prinċipji ta’ gwida komuni.

(12)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships (4) adottata fl-10 ta’ Marzu 2014 stabbilixxiet għadd ta’ prinċipji biex titjieb il-kwalità tat-traineeships barra mill-edukazzjoni u mit-taħriġ formali.

(13)

Taħt il-proċess ta’ Kopenħagen għall-kooperazzjoni Ewropea dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-Konklużjonijiet ta’ Riga tat-22 ta’ Ġunju 2015, approvati mill-Ministri inkarigati mill-edukazzjoni u mit-taħriġ vokazzjonali, għamlu t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol fil-forom kollha tiegħu, b’attenzjoni speċjali għall-apprendistati, u l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ garanzija tal-kwalità, tnejn mill-ħames prijoritajiet Ewropej għall-perijodu 2015-2020.

(14)

Il-Grupp ta’ Ħidma tal-2020 tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali żviluppa 20 prinċipju ta’ gwida dwar apprendistati u tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol b’rendiment għoli matul il-mandat tiegħu tal-2014-2015.

(15)

Fir-rapport tiegħu dwar Erasmus+ u għodod oħra għat-trawwim tal-mobilità fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali – approċċ ta’ tagħlim tul il-ħajja tal-4 ta’ Marzu 2016, il-Parlament Ewropew sejjaħ għal miżuri li jiżguraw standards ta’ kwalità għall-apprendistati.

(16)

Ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistipula li minn Mejju 2018 l-apprendistati bbażati fuq kuntratt ta’ impjieg jistgħu jiġu rreklamati fuq il-EURES - Il-portal Ewropew dwar il-mobilità fix-xogħol.

(17)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-10 ta’ Ġunju 2016 dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, il-Kummissjoni tenniet is-sostenn tagħha għas-sħab soċjali biex javvanzaw ir-riżultati tal-proġetti konġunti tagħhom, pereżempju billi jistabbilixxu qafas tal-kwalità għall-apprendistati.

(18)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ninvestu fiż-Żgħażagħ tal-Ewropa tas-7 ta’ Diċembru 2016 (6), sejħet għal sforz imġedded biex iż-żgħażagħ jiġu sostnuti biex jiksbu l-aħjar bidu possibbli fil-ħajja billi jsir investiment fl-għarfien, fil-ħiliet u fl-esperjenzi tagħhom, biex jiġu megħjuna jsibu l-ewwel impjieg tagħhom jew jitħarrġu għalih. L-għan kien li ż-żgħażagħ jingħataw għajnuna biex jaħtfu opportunitajiet, jintegraw sew fis-soċjetà, isiru ċittadini attivi u jkollhom karriera professjonali ta’ suċċess, inkluż permezz ta’ qafas tal-kwalità li jispjega l-prinċipji ewlenin għall-iskemi tal-apprendistati.

(19)

Id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 2017 tinkludi l-wegħda ta’ ħidma favur Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi mal-kontinent kollu.

(20)

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat fis-17 ta’ Novembru 2017 jistabbilixxi għadd ta’ prinċipji għas-sostenn ta’ swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jaħdmu tajjeb, inkluż id-dritt għal edukazzjoni u għal taħriġ ta’ kwalità u inklużivi, biex jiġu żgurati ħiliet li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol u għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà.

(21)

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-traċċar tal-gradwati adottata fit-30 ta’ Mejju 2017 għandha l-għan li ttejjeb id-disponibbiltà ta’ informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar x’jagħmlu l-gradwati, inklużi l-apprendisti, wara li jlestu l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom.

(22)

Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (2014-2020), jiġifieri l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), kif ukoll Erasmus+, il-programm tal-Unjoni għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u Medji (COSME), il-Programm tal-Unjoni għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), jipprovdu sostenn għall-apprendistati.

(23)

Dan l-aħħar, il-Parlament Ewropew u l-partijiet ikkonċernati talbu lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-mobilità fit-tul tal-apprendisti madwar l-UE, biex iż-żgħażagħ jiġu pprovduti bl-opportunità li jiżviluppaw kemm ħiliet speċifiċi għall-impjiegi kif ukoll kompetenzi importanti. Il-Kummissjoni wieġbet billi fil-programm Erasmus+ introduċiet attività ġdida msejħa Erasmus Pro li b’mod speċifiku ssostni internships itwal barra mill-pajjiż.

(24)

Fir-rapporti tagħha dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ mill-2015 u mill-2017, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa kriterji ta’ kwalità għall-apprendistati u offerti oħra sostnuti permezz ta’ din l-inizjattiva.

(25)

Fehim komuni fost l-Istati Membri dwar apprendistati ta’ kwalità u effettivi jsostni l-isforzi tagħhom għar-riforma u għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ apprendistati li jipprovdu tagħlim eċċellenti u perkors tal-karriera. Fehim komuni jikkontribwixxi għal fiduċja reċiproka akbar u b’hekk tiġi ffaċilitata l-mobilità transfruntiera tal-apprendisti.

(26)

L-objettiv ġenerali ta’ din ir-Rakkomandazzjoni hu li tiżdied l-impjegabbiltà u l-iżvilupp personali tal-apprendisti u li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet għolja u kkwalifikata, responsiva għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

(27)

L-objettiv speċifiku hu li jiġi pprovdut qafas koerenti għall-apprendistati fuq il-bażi ta’ fehim komuni ta’ x’jiddefinixxi kwalità u effettività b’kont meħud tad-diversità u t-tradizzjonijiet tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali u l-prijoritajiet ta’ politika fid-diversi Stati Membri.

(28)

Din ir-Rakkomandazzjoni ma taffettwax il-kompetenzi tal-Istati Membri li jżommu jew jistabbilixxu dispożizzjonijiet aktar avvanzati għall-apprendistati minn dawk rakkomandati hawnhekk, lanqas li jżommu jew li jiżviluppaw forom oħra ta’ tagħlim bbażat fuq ix-xogħol u/jew edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali barra l-ambitu tar-Rakkomandazzjoni u li japplikaw għalihom, b’mod totali jew parzjali, il-kriterji stabbiliti hawn taħt.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI,

Jenħtieġ li f’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, l-Istati Membri jiżguraw li l-iskemi tal-apprendistati jkunu responsivi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jipprovdu benefiċċji kemm għall-istudenti kif ukoll għall-impjegaturi, billi jibnu fuq il-kriterji għal apprendistati ta’ kwalità u effettivi stabbiliti hawn taħt.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u mingħajr ħsara għat-terminoloġija nazzjonali, l-apprendistati jinftehmu bħala skemi ta’ edukazzjoni u taħriġ formali li

(a)

jikkombinaw it-tagħlim fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ b’tagħlim sostanzjali bbażat fuq xogħol f’kumpanniji jew postijiet tax-xogħol oħra,

(b)

iwasslu għal kwalifiki rikonoxxuti f’livell nazzjonali,

(c)

huma bbażati fuq ftehim li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-apprendist, l-impjegatur u, fejn adatt, l-istituzzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u

(d)

bl-apprendist li jkun imħallas jew b’xi mod jirċievi kumpens għall-komponent ibbażat fuq ix-xogħol.

Il-kriterji għall-kundizzjonijiet tat-tagħlim u tax-xogħol

Ftehim bil-miktub

1.

Qabel ma jibda l-apprendistat, jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim bil-miktub li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-apprendist, l-impjegatur, u fejn adatt l-istituzzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, relatati mal-kundizzjonijiet tat-tagħlim u x-xogħol.

Eżiti tat-tagħlim

2.

It-twettiq ta’ sett ta’ eżiti ta’ tagħlim komprensiv definit f’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali għandu jintlaħaq qbil dwaru mill-impjegaturi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u fejn adatt, it-trade unions. Dan għandu jiżgura bilanċ bejn ħiliet speċifiċi għall-impjieg, l-għarfien u l-kompetenzi prinċipali għat-tagħlim tul il-ħajja b’sostenn kemm għall-iżvilupp personali u l-opportunitajiet ta’ karriera tul il-ħajja tal-apprendisti bil-ħsieb li jaddattaw għax-xejriet tal-karrieri li dejjem jinbidlu.

Sostenn pedagoġiku

3.

Jenħtieġ li jinħatru ħarrieġa fi ħdan il-kumpanniji u dawn jingħataw il-kompitu li jikkooperaw mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali u għalliema biex jipprovdu gwida lill-apprendisti u biex jiżguraw feedback reċiproku u regolari. Jenħtieġ li l-għalliema, il-ħarrieġa u l-gwidi, speċjalment f’kumpanniji mikro, żgħar u ta’ daqs medju, jirċievu sostenn biex jaġġornaw il-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi tagħhom bl-għan li jħarrġu lill-apprendisti skont il-metodi ta’ tagħlim u taħriġ l-aktar aġġornati u skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Komponent tal-post tax-xogħol

4.

Parti sostanzjali tal-apprendistat, li jfisser tal-anqas nofsu, għandu jitwettaq fuq il-post tax-xogħol bl-opportunità fejn possibbli, li parti mill-esperjenza fuq il-post tax-xogħol tinkiseb f’pajjiż barrani. B’kont meħud tad-diversità tal-iskemi nazzjonali, l-għan hu li jsir progress gradwali lejn sitwazzjoni fejn dik il-parti tal-apprendistat tkun tikkonsisti f’tagħlim fuq il-post tax-xogħol.

Paga u/jew kumpens

5.

Jenħtieġ li l-apprendisti jitħallsu u/jew jirċievu kumpens, f’konformità mar-rekwiżiti nazzjonali jew settorjali jew mal-ftehimiet kollettivi fejn dawn ikunu jeżistu, u b’kont meħud tal-arranġamenti ta’ qsim tal-ispejjeż bejn l-impjegaturi u l-awtoritajiet pubbliċi.

Protezzjoni soċjali

6.

Jenħtieġ li l-apprendisti jkunu intitolati għal protezzjoni soċjali, inkluża l-assigurazzjoni neċessarja f’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali.

Kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-saħħa u tas-sikurezza

7.

Jenħtieġ li l-post tax-xogħol ospitanti jikkonforma mar-regoli u mar-regolamenti rilevanti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’mod partikolari l-leġislazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza.

Il-kriterji għall-kundizzjonijiet ta’ qafas

Qafas regolatorju

8.

Jenħtieġ li jkun hemm fis-seħħ qafas regolatorju ċar u konsistenti bbażat fuq approċċ ta’ sħubija ġust u ekwitabbli, inkluż djalogu strutturat u trasparenti bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Dan jista’ jinkludi proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal kumpanniji u għal postijiet tax-xogħol li joffru apprendistati u/jew miżuri oħra ta’ garanzija tal-kwalità.

Involviment tas-sħab soċjali

9.

Is-sħab soċjali, inkluż, fejn rilevanti, fil-livell settorjali, u/jew l-korpi intermedjarji, jenħtieġ li jkunu involuti fit-tfassil, fil-governanza u fl-implimentazzjoni tal-iskemi tal-apprendistati, f’konformità mas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali u mal-prattiki tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

Sostenn għall-kumpanniji

10.

Sostenn finanzjarju u/jew mhux finanzjarju għandu jiġi previst, partikolarment għall-kumpanniji mikro, żgħar u ta’ daqs medju li jippermettu apprendistati kosteffettivi għall-kumpanniji, b’kont meħud, fejn adatt, ta’ arranġament ta’ qsim ta’ spejjeż bejn l-impjegaturi u l-awtoritajiet pubbliċi.

Perkorsi u mobilità flessibbli

11.

Biex jiġi faċilitat l-aċċess, ir-rekwiżiti tad-dħul għall-apprendistati għandhom jieħdu kont tat-tagħlim formali u mhux formali rilevanti u/jew, jekk rilevanti, it-twettiq ta’ programmi preparatorji. Il-kwalifiki miksuba permezz tal-apprendistati għandhom jiġu inklużi fl-oqfsa ta’ kwalifiki rikonoxxuti f’livell nazzjonali b’referenza għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (7). L-apprendistati għandhom jippermettu aċċess għal opportunitajiet oħra ta’ tagħlim, inkluż f’livelli ta’ edukazzjoni u taħriġ ogħla, perkorsi ta’ karriera u/jew, fejn rilevanti, l-akkumulazzjoni ta’ unitajiet ta’ eżiti ta’ tagħlim. Il-mobilità transnazzjonali tal-apprendisti, jew fuq il-post tax-xogħol jew fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, għandha tiġi promossa progressivament bħala komponent tal-kwalifiki tal-apprendistat.

Gwida għall-karrieri u sensibilizzazzjoni

12.

Il-gwida għall-karrieri, il-mentoring u s-sostenn għall-istudent għandhom jiġu provduti qabel u matul l-apprendistat biex jiġu żgurati eżiti b’suċċess, biex jiġu evitati u jonqsu dawk li ma jkomplux kif ukoll jiġu sostnuti dawk l-istudenti biex jerġgħu jibdew il-perkorsi rilevanti tal-edukazzjoni u t-taħriġ. L-apprendistati għandhom jiġu promossi bħala perkors attraenti ta’ tagħlim permezz ta’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni b’udjenza wiesgħa.

Trasparenza

13.

Jenħtieġ li t-trasparenza tal-offerti ta’ apprendistati u l-aċċess għal dawn fi ħdan u bejn l-Istati Membri jiġu żgurati, inkluż bis-sostenn ta’ servizzi għall-impjiegi pubbliċi u privati kif ukoll korpi rilevanti oħra, u meta adatt, bl-użu tal-għodod tal-Unjoni bħall-EURES kif previst fir-regolament EURES.

Garanzija ta’ kwalità u traċċar tal-apprendisti

14.

Jenħtieġ li jkun hemm approċċi ta’ garanzija tal-kwalità fis-seħħ b’kont meħud tal-Qafas Ewropew ta’ Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) (8), inkluż proċess li jippermetti valutazzjoni valida u affidabbli tal-eżiti tat-tagħlim. L-intraċċar tal-progressjoni tal-impjieg u l-karriera tal-apprendisti għandu jkun segwit, f’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali u dik Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data.

L-implimentazzjoni f’livell nazzjonali

Fl-ambitu ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, għall-implimentazzjoni tagħha l-Istat Membri jenħtieġ li:

15.

Jippromwovu l-involviment attiv tas-sħab soċjali fit-tfassil, fil-governanza u fl-implimentazzjoni tal-iskemi tal-apprendistati, f’konformità mas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali u mal-prattiki tal-edukazzjoni u tat-taħriġ;

16.

Jiżguraw aċċess ugwali, jippromwovu bilanċ bejn is-sessi u jindirizzaw id-diskriminazzjoni fl-iskemi tal-apprendistati;

17.

Jinkludu l-miżuri ta’ implimentazzjoni rilevanti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma taħt is-Semestru Ewropew;

18.

Jieħdu kont ta’ dan il-qafas meta jużaw fondi u strumenti tal-Unjoni Ewropea li jsostnu lill-apprendistati.

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi s-sostenn neċessarju, inkluż bl-azzjonijiet li ġejjin:

Servizzi ta’ sostenn

19.

L-iżvilupp ta’ sett ta’ servizzi ta’ sostenn għall-qsim tal-għarfien, għall-bini ta’ netwerks u għat-tagħlim reċiproku biex jassistu lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fl-implimentazzjoni ta’ skemi tal-apprendistati f’konformità ma’ dan il-Qafas. Dan għandu jinkludi l-ħtiġijiet ta’ aktar taħriġ tal-għalliema u l-ħarrieġa ETV rigward l-innovazzjonijiet diġitali fl-apprendistati.

Sensibilizzazzjoni

20.

Il-promozzjoni tal-eċċellenza u l-attrazzjoni tal-apprendistati, kif ukoll immaġni pożittiva fost iż-żgħażagħ, il-familji tagħhom u l-impjegaturi, permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni bħall-Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali;

Finanzjament

21.

L-għoti ta’ sostenn għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni permezz tal-finanzjament rilevanti tal-Unjoni, f’konformità mal-qafas legali rilevanti;

Segwitu

22.

Monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni bis-sostenn tal-Kumitat Konsultattiv tripartitiku dwar it-Taħriġ Vokazzjonali, billi jibnu fuq l-istrumenti ta’ monitoraġġ eżistenti li jintużaw fil-qafas tas-Semestru Ewropew;

23.

Rapportar lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Qafas fi żmien tliet snin mid-data tal-adozzjoni tiegħu.


(1)  ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15.

(2)  ĠU C 155, 8.7.2009, p. 1.

(3)  ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.

(4)  ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1.

(5)  ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1.

(6)  COM(2016) 940 final.

(7)  ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15.

(8)  ĠU C 155, 8.7.2009, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

2.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 153/7


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-30 ta’ April 2018

(2018/C 153/02)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,2079

JPY

Yen Ġappuniż

132,12

DKK

Krona Daniża

7,4501

GBP

Lira Sterlina

0,87960

SEK

Krona Żvediża

10,4993

CHF

Frank Żvizzeru

1,1968

ISK

Krona Iżlandiża

122,20

NOK

Krona Norveġiża

9,6620

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,542

HUF

Forint Ungeriż

313,55

PLN

Zloty Pollakk

4,2264

RON

Leu Rumen

4,6614

TRY

Lira Turka

4,8896

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6013

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5542

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,4801

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7145

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6016

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 292,04

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

15,0121

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,6574

HRK

Kuna Kroata

7,4100

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 796,15

MYR

Ringgit Malażjan

4,7409

PHP

Peso Filippin

62,452

RUB

Rouble Russu

75,9587

THB

Baht Tajlandiż

38,145

BRL

Real Brażiljan

4,1932

MXN

Peso Messikan

22,5977

INR

Rupi Indjan

80,1685


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 153/8


Aġġornament tal-ammonti ta’ referenza għall-qsim tal-fruntieri esterni, kif imsemmi fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen)

(2018/C 153/03)

Il-pubblikazzjoni ta’ ammonti ta’ referenza għall-qsim tal-fruntieri esterni, kif imsemmi fil-Artikolu 6(4) tar- Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 li jistabbilixxi Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (1) hija bbażata fuq l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 39 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (kodifikazzjoni).

Minbarra l-pubblikazzjoni fil-ĠU, huwa disponibbli aġġornament ta’ kull xahar fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Interni.

L–ESTONJA

Emenda fl-informazzjoni ppubblikata fil-ĠU C 146 tas-26.4.2016.

Skond il-liġi tal-Estonja, persuni barranin li jaslu l-Estonja mingħajr ittra ta’ stedina, fuq talba ta’ xi gwardja uffiċjali tal-fruntiera, għandhom jipprovdu evidenza meta jidħlu fil-pajjiż li għandhom mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex ikopru l-ispejjeż taż-żjara tagħhom fl-Estonja u għal meta jħalluha. Mezzi finanzjarji suffiċjenti għall kull jum permess huma kkonsidrati li huma 0,2-il darba tas-salarju minimu fix-xahar implimentatati mill-Gvern tar-Repubblika, jiġifieri 100 EUR.

Inkella, il-persuna li tagħmel l-istedina jkollha tieħu r-responsabbiltà għall-ispejjeż taż-żjara tal-barrani u tat-tluq tiegħu mill-Estonja.

Lista ta’ pubblikazzjonijiet preċedenti

 

ĠU C 247, 13.10.2006, p. 19.

 

ĠU C 153, 6.7.2007, p. 22.

 

ĠU C 182, 4.8.2007, p. 18.

 

ĠU C 57, 1.3.2008, p. 38.

 

ĠU C 134, 31.5.2008, p. 19.

 

ĠU C 37, 14.2.2009, p. 8.

 

ĠU C 35, 12.2.2010, p. 7.

 

ĠU C 304, 10.11.2010, p. 5.

 

ĠU C 24, 26.1.2011, p. 6.

 

ĠU C 157, 27.5.2011, p. 8.

 

ĠU C 203, 9.7.2011, p. 16.

 

ĠU C 11, 13.1.2012, p. 13.

 

ĠU C 72, 10.3.2012, p. 44.

 

ĠU C 199, 7.7.2012, p. 8.

 

ĠU C 298, 4.10.2012, p. 3.

 

ĠU C 56, 26.2.2013, p. 13.

 

ĠU C 98, 5.4.2013, p. 3.

 

ĠU C 269, 18.9.2013, p. 2.

 

ĠU C 57, 28.2.2014, p. 1.

 

ĠU C 152, 20.5.2014, p. 25.

 

ĠU C 224, 15.7.2014, p. 31.

 

ĠU C 434, 4.12.2014, p. 3.

 

ĠU C 447, 13.12.2014, p. 32.

 

ĠU C 38, 4.2.2015, p. 20.

 

ĠU C 96, 11.3.2016, p. 7.

 

ĠU C 146, 26.4.2016, p. 12.

 

ĠU C 248, 8.7.2016, p. 12.

 

ĠU C 111, 8.4.2017, p. 11.

 

ĠU C 21, 20.1.2018, p. 3.

 

ĠU C 93, 22.3.2018, p. 4.


(1)  Ara l-lista ta’ pubblikazzjonijiet preċedenti fl-aħħar parti ta’ dan l-aġġornament.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

2.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 153/9


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8899 — OTPP/Carlyle/European Camping Group)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 153/04)

1.

Fl-24 ta’ April 2018, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Ontario Teachers’ Pension Plan Board (“OTPP”, il-Kanada),

il-Carlyle Group (“Carlyle”, l-Istati Uniti tal-Amerika),

European Camping Group SAS (“ECG”, Franza).

OTPP takkwista, fis-sens tal-Artikoli 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġunt ta’ ECG, flimkien ma’ Carlyle, li diġà kellha l-kontroll uniku ta’ ECG. Għalhekk, il-konċentrazzjoni tinvolvi bidla ta’ kontroll fuq ECG minn kontroll uniku minn Carlyle għal kontroll konġunt minn Carlyle u OTPP. Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

OTPP hija korporazzjoni mingħajr kapital azzjonarju inkorporata skont it-Teachers’ Pension Act (Ontario), li l-uffiċċju prinċipali tagħha u l-indirizz tan-negozju jinsabu f’Toronto, Ontario, il-Kanada. OTPP hija impenjata bl-amministrazzjoni tal-benefiċċji tal-pensjoni u l-investiment ta’ assi ta’ pjanijiet tal-pensjoni f’isem madwar 318 000 għalliem attivi u rtirati fil-Provinċja Kanadiża ta’ Ontario;

Carlyle hija maniġer ta’ assi alternattivi fuq livell dinji, u tiġġestixxi fondi li jinvestu madwar id-dinja f’erba’ dixxiplini ta’ investiment: (i) Ekwità Privata Korporattiva; (ii) Assi Reali; (iii) Strateġiji tas-Suq Dinji; u (iv) Soluzzjonijiet;

ECG (li qabel kienet Homair Investissement SAS) hija kumpanija stabbilita fi Franza u li hija attiva fis-settur tal-akkomodazzjoni turistika ta’ barra. ECG toffri btajjel tal-mobile homes permezz ta’ ħames marki (jiġifieri Homair, Eurocamp, Al Fresco, Roan u Go4Camp). ECG topera bejn wieħed u ieħor 20 000 unità ta’ vaganza, li minnhom aktar minn 90 % huma djar mobbli. Dawn huma installati f’madwar 300 sit ta’ kampeġġ, u li huma jew proprjetà tal-ECG jew tal-imsieħba, prinċipalment fi Franza, l-Italja, Spanja u l-Kroazja.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja tiġi dejjem speċifikata:

M.8899 — OTPP/Carlyle/European Camping Group

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz tal-posta:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

2.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 153/11


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2018/C 153/05)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta' oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“LIČKA JANJETINA”

Nru tal-UE: PGI-HR-02179 — 13.9.2016

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem (ismijiet)

“Lička janjetina”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Kroazja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta' prodott

Kategorija 1.1 Laħam frisk (u l-ġewwieni)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1)

“Lička janjetina” huwa laħam miksub mill-qtil ta' ħrief li twieldu mill-ġens maskili u femminili ta' razza tan-nagħaġ awtoktona, il-Lika Curly (“Lička Pramenka”).

Ħrief tar-razza Lika Curly li jintużaw għall-produzzjoni tal-“Lička janjetina” jinqatlu meta jkollhom età ta' bejn 90 u 160 jum u piż tal-ġisem ta' bejn 22 kg u 36 kg. Karkassa ppreparata għall-produzzjoni tal-“Lička janjetina” għandu jkollha piż li jvarja bejn 12 kg u 18 kg, u tul massimu ta' 80 cm. Il-laħam frisk tal-“Lička janjetina” ivarja minn aħmar qawwi għal kulur aħmar aktar intens u għandu struttura tal-muskoli delikata, b'depożiti sodi ta' xaħam ta' taħt il-ġilda u ta' xaħam vixerali, li huma bojod bi sfumatura safranija, u b'aroma intensa iżda mhux iż-żejjed, ta' laħam tal-muntun.

Il-“Lička janjetina” jittiekel imsajjar biss. Meta l-“Lička janjetina” jissajjar, ix-xaħam gradwalment idub u l-laħam isir immerraq u tari u jiżviluppa, u jiżviluppa togħma intensa iżda mhux iż-żejjed, ta' laħam tal-muntun; il-profil aromatiku tal-“Lička janjetina” fih komposti volatili (aldeidi, alkoħols, ketoni) mill-għalf tal-ħrief Lika Curly, li fih jiġu miżjuda speċijiet ta' pjanti mill-mergħat u l-bwar fiż-żona ġeografika fejn huwa mrobbi l-Lika Curly.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Qabel it-tbiċċir, il-ħrief maħsuba għall-produzzjoni tal-“Lička janjetina” jiġu mitmugħa ħalib tan-nagħaġ (permezz tar-treddigħ), żwien, ħuxlief u taħlita ta' ċereali (ħafur, xgħir, segala, tritikal, qamħ u qamħirrun) matul ix-xitwa, u jinħarġu biex jirgħu matul is-sajf. Il-ħrief Lika Curly jqattgħu minimu ta' 30 jum jirgħu.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

It-trobbija, it-tgħammir u t-twelid tan-nagħaġ Lika Curly u t-trobbija u l-qatla tal-ħrief ta' dik ir-razza jridu jseħħu kollha fiż-żona ġeografika msemmija fil-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ., tal-prodott li għalih jirreferi l-isem

Il-“Lička janjetina” jitqiegħed fis-suq biss bħala karkassa sħiħa jew bħala nofs karkassa, friska, mingħajr il-partijiet t'isfel tar-riġel jew l-organi fil-kavitajiet addominali, tat-toraċi u tal-pelvi. Ir-ras, il-kliewi u x-xaħam tal-kliewi jiffurmaw partijiet integrali tal-karkassa.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem

Il-“Lička janjetina” jiġi ttikkettat fil-biċċerija billi titqiegħed marka li ma titħassarx fuq il-ġnub, fuq l-ispalel jew mal-kustilji tal-karkassa mkessħa. Il-marka li ma titħassarx hija ta' forma ovali u tinkludi l-kelma “Lička”, li tinsab fil-parti ta' fuq, l-indikazzjoni “žig klaonice” [“il-marka tal-biċċerija”] fin-nofs, u l-kelma “janjetina” fil-qiegħ.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika ta' Lika tinsab f'żewġ reġjuni amministrattivi, fil-biċċa l-kbira tagħha fil-Kontea ta' Lika-Senj u f'parti iżgħar fil-Kontea ta' Zadar. Iż-żona li fiha jitrabba l-Lika Curly u fejn jiġi prodott il-“Lička janjetina” tkopri l-belt ta' Gospić u l-muniċipalitajiet ta' Donji Lapac, Karlobag, Lovinac, Perušić, Plitvička jezera, Udbina, Vrhovine, Senj, Brinje u Otočac fil-Kontea ta' Lika-Senj u Gračac fil-Kontea ta' Zadar.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Qed tintalab il-protezzjoni għall-isem tal-prodott “Lička janjetina” minħabba r-reputazzjoni tal-prodott, li ġejja mill-kwalità tal-laħam u speċifikament minn tradizzjoni twila tat-trobbija tan-nagħaġ.

Deskrizzjoni taż-żona ġeografika

Lika huwa reġjun kontinentali, imdawwar minn ktajjen ta' muntanji (il-muntanji ta' Velebit fin-Nofsinhar, il-muntanji ta' Velika Kapela fil-Punent, il-Muntanja Plješivica fil-Lvant u l-Muntanja Mala Kapela fit-Tramuntana) li fih għadd kbir ta' pjanuri karstiċi (jew “polje”) (Gacko polje, Ličko polje, Krbavsko polje, Ličko Pounje, eċċ.). Huwa sit tal-produzzjoni agrikola; hemmhekk jiġu kkultivati ċereali (minbarra l-qamħirrun), li jintużaw primarjament bħala għalf għan-nagħaġ. Il-pjanuri karstiċi huma riżalt akkumulattiv tat-tip tettoniku. Il-forma tal-wiċċ tagħhom għandha influwenza pożittiva fuq l-istruttura tal-ħamrija. Jippredominaw ir-ramel tafli u l-ħamrija ramlija. Iż-żona ta' Lika għandha klima muntanjuża ħarxa b'perjodu ta' veġetazzjoni relattivament qasir. Fil-witat u l-pjanuri tagħha, it-temperatura medja f'Jannar tkun ta' madwar – 2 °C, u matul l-ewwel sitt xhur tas-sena t-temperatura minima tinżel taħt iż-0 °C. F'Lika, ir-riħ qawwi mill-Majjistral, u x-xtiewi twal, jaffettwaw il-kopertura tal-pjanti u l-kompożizzjoni u d-distribuzzjoni tal-komunitajiet ta' pjanti.

Mod speċifiku għat-trobbija tan-nagħaġ

L-abitanti tar-reġjun ta' Lika dejjem kienu jrabbu n-nagħaġ tar-razza Lika Curly bil-mod antik tradizzjonali — f'mergħat fil-miftuħ. Xhieda ta' dan insibu bosta rakkonti storiċi (Kosović, B. (1935), Postanak naziva Lika i Ličani [L-oriġini tal-ismijiet “Lika” u “Ličani”], Lički kalendar, pp. 62-63, 75-79), u dan il-metodu ta' trobbija għadu jintuża anki llum. Il-mod kif in-nagħaġ jiġu mrobbija f'Lika ivarja sew mill-approċċ użat f'żoni oħra simili, għaliex fiż-żoni muntanjużi tar-reġjun, f'kundizzjonijiet ta' mergħat abbundanti fis-sajf u ta' ftit nutrizzjoni fix-xitwa, in-nagħaġ Lika Curly jqattgħu l-ħin kollu fl-istess żona. Fid-Dalmazja, min-naħa l-oħra, minħabba n-nuqqas ta' mergħat fix-xhur tas-sajf, in-nagħaġ tar-razza Dalmatian Curly spiss ġew ittrasferiti għal mergħat ogħla, u rritornaw lejn żoni f'altitudni aktar baxxa lejn l-aħħar tal-ħarifa. Il-metodu tradizzjonali tat-trobbija tan-nagħaġ ipprattikat fir-reġjun ta' Lika affettwa wkoll il-karatteristiċi tan-nagħaġ Lika Curly: minħabba li dawn huma ferm attivi fiżikament, huma reżiljenti, reżistenti għall-mard u modesti f'termini tal-akkomodazzjoni u r-rekwiżiti nutrittivi tagħhom.

Ir-rabta bejn il-mod ta' kif jitrabbew in-nagħaġ u l-laħam tagħhom

Minħabba l-metodu speċifiku tat-trobbija ta' din ir-razza tan-nagħaġ awtoktona Lika Curly fil-miftuħ fiż-żoni muntanjużi ta' Lika, il-laħam tal-“Lička janjetina” għandu togħma, kulur u riħa distintivi meta mqabbel ma' ħaruf ġejjin minn żoni oħrajn. Dan ġie kkonfermat minn għadd ta' studji xjentifiċi. Il-laħam mill-ħrief ta' Lika mrobbija fil-mergħat, minħabba l-moviment u l-attività fiżika aktar intensivi tagħhom, huwa ta' lewn aħmar aktar intens mil-laħam tal-ħrief imrobbija f'azjendi agrikoli. Minbarra r-razza, il-bidla fil-kulur tal-laħam hija wkoll marbuta direttament mal-piż tal-ġisem tal-ħaruf ta' Lika qabel il-qatla (bejn 22 kg u 36 kg). Hekk kif il-ħrief ta' Lika jikbru u jiżdiedu fil-piż, hekk ukoll jiżdiedu l-attività ossidativa u l-ammont ta' mijoglobina, u minħabba dan il-laħam ta' dawk l-annimali jkun ta' kulur aħmar aktar intens (Kaić, A. (2013), Fizikalno-kemijska svojstva mesa i sastav trupa janjadi ličke pramenke [Il-karatteristiċi fiżikokimiċi tal-laħam u l-kompożizzjoni tal-karkassi tal-ħrief Lika Curly], teżi tad-dottorat).

Il-karatteristiċi tal-laħam imsajjar tal-“Lička janjetina”, li għandu togħma u aroma tal-laħam tal-muntun intensi iżda mhux intensi iż-żejjed, huma influwenzati miż-żona ġeografika fejn jitrabbew in-nagħaġ, mill-fatt li dawn jieklu veġetazzjoni varjata u abbundanti tal-mergħat tal-muntanji, u mill-età (90-160 jum) u l-piż tal-ġisem tagħhom fil-ħin tal-qatla (22-36 kg). Minħabba kundizzjonijiet ta' nutrizzjoni aħjar (il-ħalib, il-mergħat u t-tiben), il-ħrief ta' Lika jinqatlu aktar tard mill-ħrief minn żoni oħrajn tal-Kroazja (il-ħrief Cres jinqatlu fl-età ta' 80 jum, il-ħrief Pag fl-età ta' 33 jum), b'tali mod li karkassi tal-ħrief ta' Lika huma wkoll itwal (sa 80 cm) u aktar żviluppati mill-karkassi tal-ħrief Cres jew tal-ħrief Pag (Kasap et al. (2010), Neke odlike trupova janjadi ličke pramenke [Ċerti karattersitiċi tal-karakssi tal-ħrief Lika Curly], studju xjentifiku, pp. 858-861).

Il-profil aromatiku tal-laħam tal-“Lička janjetina” huwa distint minħabba l-kompożizzjoni botanika tal-mergħat u l-bwar fejn jitrabbew il-ħrief ta' Lika. L-aroma tal-ħaruf tad-Dalmazja hija differenti għaliex il-kompożizzjoni botanika tal-mergħat u l-bwar hemmhekk hija differenti.

Aktar minn 85 % tal-komposti volatili fil-profil aromatiku totali tal-laħam tal-“Lička janjetina” huma attribwiti lil aldeidi, lil alkoħols u lil ketoni. It-tliet komposti volatili l-aktar abbundanti fil-laħam tal-“Lička janjetina” huma l-eżanaldeid, l-etanol tal-akoħol u l-keton 2,3-ottanedion. Il-komposti volatili li huma l-iktar rappreżentattivi tal-influwenza tat-trobbija tal-annimali fil-mergħat huwa t-2,3-ottanedion.

Il-veġetazzjoni tal-art tal-mergħat f'Lika tista'u tiġi kklassifikata parzjalment bħala mergħa tal-pjanuri kontinentali (mergħat naturali u miżrugħa), u parzjalment bħala mergħat bil-ġebel (mergħat naturali), b'kompożizzjoni floristika ta' 96 speċi. Sehem sinifikanti huwa rrappreżentat minn ħxejjex aromatiċi, li minnhom dawk dominanti huma l-protetta ħaxixet il-mikinsa (Calluna vulgaris) u l-felċi (Pteridium aquilinum). It-tursin-piert (tal-ġeneru Aphanes), health speedwell (Veronica officinalis) u għadd ta' likeni oħra huma komuni hemmhekk.

Ir-riċerka wriet li l-għalf, il-komunitajiet tal-pjanti tal-mergħat u l-bwar ta' Lika u l-kompożizzjoni tal-porzjon tal-għalf għandhom rwol vitali fid-determinazzjoni tal-profil aromatiku tal-“Lička janjetina”.

Barra mill-ħalib tan-nagħaġ, il-porzjon tal-għalf, jiġifieri l-konsum nutrittiv tal-ħrief Lika Curly li jirgħu fil-mergħat u l-bwar ta' Lika, hija magħmula minn speċijiet ta' pjanti li ġejjin: Bromus erectus (erect brome), Scorzonera villosa, Chrysopogon gryllus (scented grass), Festuca pseudovina (hard fescue, Dichantium ischaemum (yellow bluestem), Satureo edraianthetum, Filipendula hexapetala (dropwort), Lotus corniculatus (common bird's-foot trefoil), Leontodon hispidus (rough hawkbit), Sanguisorba muricata (small burnet), Eryngium amethystinum (amethyst eryngo), Sesleria tenuifolia, Trinia carniolica, Gentiana symphyandra (great yellow gentian) u Genista holopetala (broom).

Dan jissuġġerixxi li l-fattur ewlieni li jiddistingwi l-komposti aromatiċi volatili tal-“Lička janjetina” minn dawk ta' ħrief oħra komparabbli hija ż-żona ġeografika li fiha trabbew il-ħrief (l-hekk imsejjaħ “effett territorjali”) (Krvavica et al. (2015), Isparljivi spojevi arome ličke janjetine [Komposti aromatiċi volatili tal-“Lička janjetina”], studju xjentifiku, pp. 238-246).

Reputazzjoni

Mill-1998 'l hawn b'mod partikolari, ir-reputazzjoni tal-“Lička janjetina” ġiet enfasizzata fir-reġjun ta' Lika, wara t-tnedija tal-avveniment imsejjaħ Il-Ħarifa f'Lika (“Jesen u Lici”). F'dan l-avveniment, il-viżitaturi huma introdotti għall-identità lokali tar-reġjun ta' Lika, u jitħejjew prodotti lokali ta' Lika. L-għan ta' dan l-avveniment gastronomiku ta' kull sena fil-kalendarju tat-turiżmu kulturali huwa li jintroduċi lill-viżitaturi għall-għana u ż-żfin tradizzjonali awtentiċi tar-reġjun ta' Lika u li jitħejjew u jintwerew prodotti tradizzjonali lokali tar-reġjun, fosthom il-“Lička janjetina” mixwi fuq is-seffud u l-istuffat qares tal-ħaruf fl-istil ta' “Lika”.

Ir-rabta bejn ir-reputazzjoni tal-prodott “Lička janjetina” u ż-żona ta' Lika hija murija wkoll fil-pubblikazzjoni kulinarja Vodič Hrvatske gastro ikone [Gwida għall-ikolni kulinarji tal-Kroazja], li telenka l-“Lička janjetina” (Andrić, V. et al. (2007), Vodič kroz hrvatske gastro ikone, Gastronomad, Zagreb, pp. 210-211) bħala waħda mill-“ikoni kulinarji” tar-reġjun ta' Lika. Hrvatska eno-gastronomija [Enogastronomija tal-Kroazja] tirreferi wkoll għal-“Lička janjetina” bħala prodott li jiddefinixxi r-reġjun ta' Lika f'termini gastronomiċi u lihuwa wieħed mill-aktar speċjalitajiet magħrufin. Il-“Lička janjetina” jiġi ppreparat billi jinħema taħt għatu jew billi jinxtewa fuq is-seffud.

Ir-reputazzjoni u l-kwalità li l-“Lička janjetina” għad għandu llum, jintwerew mill-fatt li l-isem tal-prodott u l-metodu ta' preparazzjoni huma msemmija f'pubblikazzjonijiet u gazzetti speċjalizzati fuq il-laħam (Cvrtila et al. (2007), Kakvoća janjećeg mesa [Quality of meat of lamb], Meso 9/2:114-120, p. 115).

Riċetti għat-tħejjija tal-“Lička janjetina” jissemmewi f'diversi pubblikazzjonijiet kulinarji, bħal, pereżempju, fis-serje “Hrvatska tradicionalna jela i pila” [Ikel u xorb Kroat tradizzjonali].

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament)

http://www.mps.hr/datastore/filestore/110/IZMJENJENA_SPECIFIKACIJA_LICKA_JANJETINA_18072017.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


2.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 153/15


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2018/C 153/06)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“LUCANICA DI PICERNO”

Nru tal-UE: PGI-IT-02313 — 5.6.2017

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Lucanica di Picerno”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta tal-“Lucanica di Picerno” hija riżervata għall-prodott tal-laħam ippreparat li jissodisfa l-karatteristiċi li ġejjin:

Il-karatteristiċi fiżiċi:

Il-“Lucanica di Picerno” għandu forma karatteristika ta’ “U”. Il-piż tal-prodott ivarja bejn 250 gramma u 350 gramma. Id-dijametru tiegħu jvarja bejn 3,0 u 3,6 cm, filwaqt li t-tul ivarja bejn 20 u 35 cm.

Il-Lucanica di Picerno maħsub għat-tqattigħ, jiżen sa 1,2 kg, b’dijametru bejn 3,0 u 3,6 cm, u tul ta’ bejn 40 u 70 cm.

Karatteristiċi organolettiċi:

Kulur: meta l-prodott jitqatta’, il-flieli jkunu kompatti u ta’ lewn aħmar skur, bi preżenza ta’ tessut xaħmi;

Riħa u Togħma: il-karatteristiċi sensorjali tal-prodott ġejjin mill-aroma predominanti tal-“bużbież selvaġġ” (Foeniculum vulgare), definita bħala riħa u togħma taż-żerriegħa tal-bużbież, marbuta mal-aroma “mħawra”, definita bħala riħa u togħma ta’ bżar (Piper nigrum), u mal-aroma tal-“bżar felfel” (Capsicum annuum), definita bħala riħa u togħma ta’ qxur jew żerriegħa tal-bżar felfel. Fl-analiżi sensorjali deskrittiva, l-aroma “mħawra” u ta’ “bżar felfel” huma inqas qawwija minn dik tal-“bużbież selvaġġ”.

Hija permessa varjanti pikkanti tal-prodott, fejn l-intensità perċepita tal-aroma tal-“bżar felfel” hija aktar qawwija, għalkemm l-aroma tal-“bużbież selvaġġ” trid tibqa’ predominanti.

Karatteristiċi Kimiċi u Kimikofiżiċi:

Kontenut ta’ xaħam bejn 18 u 35 %;

Umdità bejn 35 u 50 %;

Attività tal-ilma (Aw) massimu ta’ 0,88;

pH bejn 5,4 u 5,8.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-materja prima użata għall-produzzjoni tal-“Lucanica Picerno” ta’ IĠP tikkonsisti minn laħam frisk miksub minn karkassi ta’ ħnieżer ta’ piż tqil, ikklassifikati bħala tali fl-ambitu tal-kategorija ta’ piż korrispondenti skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2); il-karkassi li jaslu fl-istabbiliment jeħtieġ li jissodisfaw il-klassijiet E, U, R u O kif previst fil-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni Ewropea; il-ħnieżer tqal jitrabbew għal mill-inqas 9 xhur b’tali mod li jilħqu piżijiet tqal u jagħtu laħam adattat għall-produzzjoni tal-“Lucanica di Picerno”.

Mhuwiex aċċettat laħam li ġej minn:

(1)

ħnieżer b’karatteristiċi sfavorevoli, b’referenza partikolari għall-ġene responsabbli għas-sindromu tal-istress tal-ħnieżer (PSS);

(2)

tipi ġenetiċi u annimali meqjusa mhux konformi mal-ispeċifikazzjoni ta’ dan il-prodott;

(3)

annimali ta’ razza pura fosthom il-Landrace Belġjana, il-Hampshire, il-Pietrain, id-Duroc u l-iSpotted Poland.

Il-ħnieżer fi stat tajjeb ta’ saħħa, jintbagħtu għat-tbiċċir mhux qabel ma jkollhom disa’ xhur. Iċ-ċingjali u l-ħnieżer nisa ma jintbagħtux għat-tbiċċir. Barra minn hekk, il-karkassi li ma jkunux ġew żvinati kif suppost jew li juru sinjali ċari ta’ mijopatija (PSE u DFD) jew sinjali evidenti ta’ infjammazzjoni jew trawma, ma jistgħux jintużaw.

Għall-produzzjoni tal-“Lucanica di Picerno” jistgħu jintużaw biss qatgħat bħall-ispalla (mingħajr għadam u nervituri), l-għonq, il-parti taħt l-ispalla, iż-żaqq, it-tarf tal-flett u l-perżut ikkapuljat.

Fil-preparazzjoni tat-taħlita tal-laħam, huma permessi l-ingredjenti li ġejjin (espressi bħala perċentwal tal-piż totali tagħha):

Melħ bejn 2,0 % u 2,5 %;

Bżar felfel ħelu jew pikkanti (Capsicuum annum) bejn 0,1 % u 0,15 %;

Żerriegħa tal-bużbież selvaġġ (Foeniculum vulgare) bejn 0,13 % u 0,18 %;

Bżar iswed (Piper nigrum) bejn 0,05 % u 0,1 %;

Destrożju u Sukrożju sa massimu ta’ 0,5 %.

Għall-preparazzjoni tat-taħlita tal-laħam, huma permessi wkoll l-aġġuvanti, l-addittivi u l-preżervattivi li ġejjin:

Nitrit tas-Sodju (E 250);

Nitrit tal-Potassju (E 252): sa 0,10 g/kg;

Aċidu askorbiku (E 300) sa 0,1 % jew Askorbat tas-sodju (E 301) sa 0,1 %.

Fil-preparazzjoni tat-taħlita jistgħu jiġu miżjuda wkoll preparati ta’ kulturi ta’ mikrobi maħsuba biex jattivaw il-fermentazzjoni (starters mikrobiċi).

Huma esklużi ingredjenti bħal ħalib, prodotti tal-ħalib u ingredjenti ta’ OĠM.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha tal-produzzjoni tal-“Lucanica di Picerno”, mit-tirqim tal-qatgħat tal-laħam sal-maturazzjoni tal-prodott, isiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-“Lucanica di Picerno” jista’ jiġi kkummerċjalizzat ippakkjat jew mhux ippakkjat: f’vakwu jew f’atmosfera rregolata, sħiħ, f’biċċiet jew fi flieli.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-tikketti jrid ikollhom fuqhom il-logo tal-“Lucanica di Picerno”. ta’ IĠP u s-simbolu Ewropew.

Huwa permess l-użu ta’ tags, siġilli u materjali oħra ta’ informazzjoni, sakemm dawn ma jkollhomx skop ta’ tifħir u ma jkunux maħsuba biex iqarrqu bil-konsumatur.

Fuq it-tikketta jistgħu jidhru wkoll indikazzjonijiet oħra li jagħmlu riferiment għal kumpanji, ismijiet, ismijiet ta’ ditti u marki privati, sakemm dawn ma jkollhomx skop ta’ tifħir jew ikunu maħsuba biex iqarrqu bil-konsumatur.

Dan huwa l-logo tad-denominazzjoni:

Image

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tal-“Lucanica di Picerno” tinsab fit-territorji ta’ Picerno, Tito, Satriano di Lucania, Savoia di Lucania, Vietri di Potenza, Sant’Angelo Le Fratte, Brienza, Balvano, Ruoti, Baragiano, Bella, Muro Lucano, Castelgrande u Sasso di Castalda.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

It-talba għar-reġistrazzjoni tal-IĠP “Lucanica di Picerno” hija bbażata: fuq il-karatteristika tal-użu tal-bużbież selvaġġ fit-taħlita, li l-aroma tiegħu, minn analiżi sensorjali tal-prodott finali, tirriżulta predominanti fuq l-ingredjenti l-oħra; kif ukoll fuq il-karatteristtika tal-ipproċessar lokali.

Il-“Lucanica di Picerno” ta’ IĠP huwa tabilħaqq prodott skont il-metodi tradizzjonali u l-karatteristiċi tiegħu huma dovuti għal għadd ta’ rabtiet mal-ambjent b’mod ġenerali u jinkludu l-fattur uman, il-metodu ta’ preparazzjoni li ilu sekli sħaħ u l-mod kif dawn jinteraġixxu.

L-ipproċessar fiż-żona kkonċernata għadda minn ġenerazzjoni għal oħra u mbagħad ġie żviluppat għarfien speċifiku bis-saħħa tal-produtturi lokali li maż-żmien irfinaw il-ħiliet tekniċi tagħhom fl-istadji differenti, jiġifieri:

it-tindif, jew aħjar, il-qtugħ ta’ partijiet mhux tajbin biex jintużaw bħalma huma n-nervituri, it-tessuti konnettivi, ix-xaħam artab;

it-tnaqqis f’porzjonijiet żgħar u t-tħin tal-porzjonijiet tal-laħam li jinkisbu b’dan il-mod,

il-ħwawar tat-taħlita,

it-taħlita tiħalla toqgħod għal perjodu ta’ bejn 4 u 24 siegħa biex l-ingredjenti jitħalltu flimkien b’mod ibbilanċjat;

l-ippakkjar tat-taħlita f’budellat naturali li jagħti liz-zalzett il-forma klassika ta’ “U”.

Il-“Lucanica di Picerno” għandu kulur aħmar skur u l-flieli tiegħu, li huma rotob u kompatti, jagħtu togħma intensa u predominanti ta’ żerriegħa tal-bużbież flimkien mal-aroma mħawra tal-bżar iswed; dawn il-fatturi flimkien jikkontribwixxu għall-profil sensorjali distintiv tiegħu.

Il-profil sensorjali karatteristiku ħareġ ċar minn analiżijiet li saru skont il-metodu “Flavour Profile”, li juru kif, fuq skala ta’ valutazzjoni lineari u mhux strutturata ta’ 100, li tirrappreżenta l-intensità perċepita, l-aroma tal-“bużbież selvaġġ” tippredomina fuq l-aroma “mħawra” u tal-“bżar felfel”.

Għaldaqstant, l-għażla tal-ingredjenti, l-ewwel fosthom il-bużbież selvaġġ, flimkien mat-talent indiskutibbli fiż-żona tal-produzzjoni tal-laħam ippreparat, jikontribwixxu għall-ħolqien ta’ prodott li huwa distingwibbli sew f’termini organolettiċi minn prodotti lokali oħrajn tal-istess tip.

Il-karatteristiċi klimatiċi taż-żona tipika tal-Appennino Lucano, li jikkonsistu minn sjuf sħan u xotti segwiti minn staġuni b’ħafna xita, u xhur tax-xitwa ħafna drabi bil-borra. Dawn il-kundizzjonijiet tat-temperatura u tal-umdità huma l-fatturi prinċipali li jiffavorixxu t-tkabbir eżuberanti tal-bużbież, ingredjent li tradizzjonalment jintuża għall-produzzjoni tal-“Lucanica di Picerno”. Fil-fatt, ir-riċetta minn Picerno, li toriġina mit-tradizzjoni popolari tar-raħħala, tinvolvi l-użu ta’ dan it-taħwir fi proporzjon ta’ madwar mitt żerriegħa għal kull kilo ta’ taħlita ta’ laħam, li b’hekk jenfasizza l-aspett partikolari ta’ dan il-prodott. Ta’ minn jinnota li f’Picerno kien jeżisti suq veru u proprju tal-bużbież selvaġġ. Iż-żerriegħa ta’ din il-pjanta aromatika perenni qadima kienet tinġabar u tinbiegħ minn persuni anzjani. Bħalissa l-bużbież selvaġġ jinkiseb ġeneralment, iżda mhux neċessarjament, miż-żona ġeografika definita.

Barra minn hekk, il-mod kif iz-zalzett tal-“Lucanica di Picerno” jiġi tradizzjonalment imdendel fuq xtellieri matul il-maturazzjoni jagħtih il-forma karatteristika ta’ “U” li għadha tiddistingwi l-prodott sal-lum il-ġurnata.

Il-produzzjoni tal-“Lucanica di Picerno” għandha għeruq sodi fiż-żona, kif turi biċ-ċar il-preżenza ta’ bosta operaturi li, skont il-metodi artiġjanali użati mill-antenati tagħhom, joqogħdu partikolarment attenti meta jagħżlu u jipproċessaw il-laħam u jimmaturaw iz-zalzett, biex b’hekk joħolqu prodott tipiku u jikkonfermaw ir-rabta li tgħaqqad il-produzzjoni tal-“Lucanica di Picerno” mill-oriġini tiegħu sal-lum il-ġurnata.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

Din l-Amministrazzjoni nediet il-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni permezz tal-pubblikazzjoni tal-proposta għal reġistrazzjoni tal-IĠP “Lucanica di Picerno” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 91 tad-19 ta’ April 2017.

It-test ikkonsolidat tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jista’ jiġi kkonsultat fuq dan is-sit web:

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew

inkella jista’ jiġi kkonsultat billi żżur direttament il-paġna ewlenija tas-sit tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, tal-Ikel u tal-Forestrija (www.politicheagricole.it), tagħfas fuq “Qualità” (fuq in-naħa ta’ fuq, fuq il-lemin tal-iskrin), imbagħad tagħfas fuq “Prodotti DOP, IGP e STG” (fil-ġenb, fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar nett tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.