ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 123

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
9 ta' April 2018


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

2018/C 123/01

L-aħħar pubblikazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

1


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI TAL-QORTI

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja

2018/C 123/02

Kawża C-304/16: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Frar 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) – ir-Renju Unit) – The Queen, fuq talba ta’: American Express Co. vs The Lords Commissioners of Her Majesty’s Treasury Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (UE) 2015/751 — Tariffi ta’ interkambju tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard — Artikolu 1(5) — Assimilazzjoni ta’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet ma’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet — Kundizzjonijiet — Ħruġ permezz ta’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet ta’ strumenti ta’ ħlas b’kard flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent — Punt 18 tal-Artikolu 2 — Kunċett ta’ skema kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet — Validità

2

2018/C 123/03

Kawża C-359/16: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Frar 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hof van Cassatie – il-Belġju) – proċeduri kriminali kontra Ömer Altun, Abubekir Altun, Sedrettin Maksutogullari, Yunus Altun, Absa NV, M. Sedat BVBA, Alnur BVBA (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ħaddiema migranti — Sigurtà soċjali — Leġiżlazzjoni applikabbli — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 14(1)(a) — Ħaddiema kkollokati — Regolament (KEE) Nru 574/72 — Artikolu 11(1)(a) — Ċertifikat E 101 — Valur probatorju — Ċertifikat miksub jew invokat b’mod frawdolenti)

3

2018/C 123/04

Kawża C-380/16: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-8 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Tassazzjoni — Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 73 — Ammont taxxabbli — Artikoli 306 sa 310 — Skema speċjali għall-aġenziji tal-ivjaġġar — Esklużjoni minn din l-iskema ta’ bejgħ lill-impriżi taxxabbli — Determinazzjoni globali tal-ammont taxxabbli għal perijodu partikolari — Inkompatibbiltà)

3

2018/C 123/05

Kawża C-590/16: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-8 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika (Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2008/118/KE — Artikolu 7 — Arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa — Provvista ta’ prodotti petrolifiċi, mingħajr l-impożizzjoni ta’ dazji tas-sisa — Stazzjonijiet ta’ pompi tal-petrol fil-fruntiera tar-Repubblika Ellenika ma’ pajjiżi terzi — Eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa — Kunċett ta’ rilaxx għall-konsum ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa — Kunċett ta’ ħruġ minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju)

4

2018/C 123/06

Kawża C-643/16: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Frar 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) – ir-Renju Unit) – The Queen, fuq it-talba ta’: American Express Co. vs The Lords Commissioners of Her Majesty’s Treasury (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva (UE) 2015/2366 — Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern — Artikolu 35(1) — Rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess għal fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas awtorizzati jew irreġistrati għas-sistemi ta’ ħlas — Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) — Inapplikabbiltà ta’ dawn ir-rekwiżiti għas-sistemi ta’ ħlas magħmulin esklużivament minn fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jappartjenu lil grupp — Applikabbiltà tal-imsemmija rekwiżiti għal skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li kkonkludew ftehimiet ta’ co-branding jew ta’ aġenzija — Validità)

5

2018/C 123/07

Kawża C-144/17: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-8 ta’ Frar 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale Amministrativo Regionale Calabria – l-Italja) – Lloyd's of London vs Agenzia Regionale per la Protezione dell'Ambiente della Calabria (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Artikoli 49 u 56 TFUE — Direttiva 2004/18/KE — Raġunijiet għal esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti — Servizzi ta’ assigurazzjoni — Parteċipazzjoni ta’ diversi sindakati ta’ Lloyd’s of London fl-istess sejħa għal offerti — Sottoskrizzjoni ta’ offerti mir-rappreżentant ġenerali ta’ Lloyd’s of London għall-pajjiżi kkonċernati — Prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni — Proporzjonalità)

6

2018/C 123/08

Kawża C-181/17: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-8 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja (Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Politika tat-trasport — Regolament (KE) Nru 1071/2009 — Operatur tat-trasport bit-triq — Awtorizzazzjoni ta’ trasport pubbliku — Kundizzjonijiet għall-għoti — Artikolu 3(1) u (2) — Artikolu 5(b) — Numru ta’ vetturi meħtieġa — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Kundizzjonijiet għall-għoti iktar stretti — Numru mimimu ta’ vetturi ogħla)

6

2018/C 123/09

Kawża C-508/17 P: Appell ippreżentat fid-19 ta’ Awwissu 2017 miċ-CBA Spielapparate- und Restaurantbetriebs GmbH mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-19 ta’ Ġunju 2017 fil-Kawża T-906/16, CBA Spielapparate- und Restaurantbetriebs GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea

7

2018/C 123/10

Kawża C-703/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Wien (l-Awstrija) fil-15 ta’ Diċembru 2017 – Adelheid Krah vs Universität Wien

7

2018/C 123/11

Kawża C-713/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (l-Awstrija) fil-21 ta’ Diċembru 2017 – Ahmad Shah Ayubi

8

2018/C 123/12

Kawża C-721/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Hannover (il-Ġermanja) fis-27 ta’ Diċembru 2017 – Sebastien Vollmer, Vera Sagalov vs Swiss Global Air Lines AG

8

2018/C 123/13

Kawża C-4/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Jannar 2018 – Michael Winterhoff bħala stralċjarju tal-patrimonju ta’ DIREKTexpress Holding AG vs Finanzamt Ulm

9

2018/C 123/14

Kawża C-5/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Jannar 2018 – Jochen Eisenbeis bħala stralċjarju tal-patrimonju ta’ Jurex GmbH vs Bundeszentralamt für Steuern

10

2018/C 123/15

Kawża C-16/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fid-9 ta’ Jannar 2018 – Michael Dobersberger

10

2018/C 123/16

Kawża C-17/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Mureş (ir-Rumanija) fid-9 ta’ Jannar 2018 – Proċeduri kriminali kontra Virgil Mailat, Delia Elena Mailat u Apcom Select SA

11

2018/C 123/17

Kawża C-22/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Darmstadt (il-Ġermanja) fil-11 ta’ Jannar 2018 – TopFit e.V., Daniele Biffi vs Deutschen Leichtathletikverband e.V.

12

2018/C 123/18

Kawża C-31/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fis-17 ta’ Jannar 2018 – Elektrorazpredelenie Jug EAD vs Komisia za energiyno i vodno regulirane (KEVR)

12

2018/C 123/19

Kawża C-122/18: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

13

 

Il-Qorti Ġenerali

2018/C 123/20

Kawża T-731/15: Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Frar 2018 – Klyuyev vs Il-Kunsill (Politika estera u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina — Iffriżar ta’ fondi — Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li fil-konfront tagħhom japplika l-iffriżar ta’ fondi u tar-riżorsi ekonomiċi — Żamma tal-isem tar-rikorrent fil-lista — Obbligu ta’ motivazzjoni — Bażi legali — Bażi fattwali — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għall-proprjetà — Dritt għar-reputazzjoni — Proporzjonalità — Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ekwivalenti għal dik iggarantita fl-Unjoni — Eċċezzjoni ta’ illegalità)

15

2018/C 123/21

Kawża T-118/16: Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Frar 2018 – Deutsche Post vs EUIPO – bpost (BEPOST) (Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għal trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea BEPOST — Trade mark figurattiva preċedenti tal-Unjoni Ewropea ePost u trade mark verbali preċedenti nazzjonali POST — Trade mark mhux irreġistrata jew sinjal użat fil-kummerċ POST — Raġuni relattiva għal rifjut — Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001] — Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001) — Nuqqas ta’ dannu għar-reputazzjoni u nuqqas ta’ taħlit — Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 2017/1001) — Provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali)

16

2018/C 123/22

Kawża T-445/16: Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 2018 – Schniga vs CPVO (Gala Schnico) (Varjetajiet ta’ pjanti — Applikazzjoni għall-protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà tal-pjanta Gala Schnico — Eżami tekniku — Obbligu ta’ motivazzjoni — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 75 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 — Omoġeneità — Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2100/94 — Eżami kumplimentari — Artikolu 57(3) tar-Regolament Nru 2100/94 — Ugwaljanza fit-trattament — Investigazzjoni ex officio tal-fatti miċ-CPVO — Artikolu 76 tar-Regolament Nru 2100/94)

17

2018/C 123/23

Kawża T-727/16: Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Frar 2018 – Repower vs EUIPO – repowermap.org (REPOWER) (Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell li tirrevoka deċiżjoni preċedenti — Artikolu 80 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) 2017/1001) — Prinċipju ġenerali tad-dritt li jawtorizza l-irtirar ta’ att amministrattiv illegali)

17

2018/C 123/24

Kawża T-45/17: Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Frar 2018 – Kwang Yang Motor vs EUIPO – Schmidt (CK1) (Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea CK1 — Trade mark figurattiva preċedenti tal-Unjoni Ewropea CK — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001])

18

2018/C 123/25

Kawża T-179/17: Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Frar 2018 – Laboratoire Nuxe vs EUIPO – Camille u Tariot (NYouX) (Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva NY ouX — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti NUXE — Obbligu ta’ motivazzjoni — L-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001) — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Xebh tal-prodotti — Karattru distintiv — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001))

19

2018/C 123/26

Kawża T-210/17: Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Frar 2018 – International Gaming Projects vs EUIPO – Zitro IP (TRIPLE TURBO) (Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea TRIPLE TURBO — Trade mark figurattiva preċedenti tal-Unjoni Ewropea TURBO — Raġuni relattiva għal rifjut — Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li sar Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001])

19

2018/C 123/27

Kawża T-711/14: Digriet tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Frar 2018 – Arcofin et vs Il-Kummissjoni (Rikors għal annullament — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna implementata mill-Belġju favur kumpanniji li huma kooperattivi finanzjarji tal-grupp ARCO — Skema ta’ garanzija li tipproteġi l-ishma tal-persuni fiżiċi li għandhom il-kwalità ta’ azzjonisti f’dawn il-kumpanniji — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern — Vantaġġ selettiv — Miżura li toħloq distorsjoni jew li hemm it-theddida li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri — Miżura maħsuba sabiex tirrimedja tfixkil gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru — Aspettattivi leġittimi — Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt)

20

2018/C 123/28

Kawża T-436/16: Digriet tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Frar 2018 – AEIM u Kazenas vs Il-Kummissjoni (Rikors għad-danni — Preskrizzjoni — Assenza ta’ prova tad-dannu — Rikors manifestament iddestinat għaċ-ċaħda)

21

2018/C 123/29

Kawża T-919/16: Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Frar 2018 – Collins vs Il-Parlament (Privileġġi u immunitajiet — Membru tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni li ma jiġux difiżi l-privileġġi u immunitajiet — Rikors manifestament inammissibbli — Nuqqas ta’ kompetenza manifesta — Rikors manifestament nieqes minn kull fundament fid-dritt)

21

2018/C 123/30

Kawża T-786/16: Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Diċembru 2017 – PV vs Il-Kummissjoni

22

2018/C 123/31

Kawża T-47/18: Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2018 – UZ vs Il-Parlament

24

2018/C 123/32

Kawża T-54/18: Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Jannar 2018 – Fashion Energy vs EUIPO – Retail Royalty (1st AMERICAN)

25

2018/C 123/33

Kawża T-62/18: Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Frar 2018 – Aeris Invest vs SRB

25

2018/C 123/34

Kawża T-204/17: Digriet tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Frar 2018 – Alfa Laval Flow Equipment (Kunshan) vs Il-Kummissjoni

27


MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/1


L-aħħar pubblikazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

(2018/C 123/01)

L-aħħar pubblikazzjoni

ĠU C 112, 26.3.2018

Pubblikazzjonijiet preċedenti

ĠU C 104, 19.3.2018

ĠU C 94, 12.3.2018

ĠU C 83, 5.3.2018

ĠU C 72, 26.2.2018

ĠU C 63, 19.2.2018

ĠU C 52, 12.2.2018

Dawn it-testi huma disponibbli fuq:

EUR-Lex: http://eur-lex.europa.eu


V Avviżi

PROĊEDURI TAL-QORTI

Il-Qorti tal-Ġustizzja

9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/2


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Frar 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) – ir-Renju Unit) – The Queen, fuq talba ta’: American Express Co. vs The Lords Commissioners of Her Majesty’s Treasury

(Kawża C-304/16) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Regolament (UE) 2015/751 - Tariffi ta’ interkambju tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard - Artikolu 1(5) - Assimilazzjoni ta’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet ma’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet - Kundizzjonijiet - Ħruġ permezz ta’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet ta’ strumenti ta’ ħlas b’kard “flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent” - Punt 18 tal-Artikolu 2 - Kunċett ta’ “skema kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet” - Validità)

(2018/C 123/02)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: The Queen, fuq talba ta’:American Express Co.

Konvenut: The Lords Commissioners of Her Majesty’s Treasury

fil-preżenza ta’: Diners Club International Limited, MasterCard Europe SA

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 1(5) tar- Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ ftehim bejn sieħeb ta’ co-branding jew aġent, minn naħa, u skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, min-naħa l-oħra, ma huwiex neċessarju li dan is-sieħeb ta’ co-branding jew dan l-aġent jaġixxi bħala emittent, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, sabiex l-imsemmija skema tkun ikkunsidrata bħala li toħroġ strumenti ta’ ħlas permezz ta’ kard ma’ sieħeb ta’ co-branding jew permezz ta’ aġent u sabiex tkun għalhekk ikkunsidrata bħala skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

2)

L-eżami tat-tieni domanda preliminari ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(5) u tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751.


(1)  ĠU C 270, 25.7.2016


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Frar 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hof van Cassatie – il-Belġju) – proċeduri kriminali kontra Ömer Altun, Abubekir Altun, Sedrettin Maksutogullari, Yunus Altun, Absa NV, M. Sedat BVBA, Alnur BVBA

(Kawża C-359/16) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ħaddiema migranti - Sigurtà soċjali - Leġiżlazzjoni applikabbli - Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Artikolu 14(1)(a) - Ħaddiema kkollokati - Regolament (KEE) Nru 574/72 - Artikolu 11(1)(a) - Ċertifikat E 101 - Valur probatorju - Ċertifikat miksub jew invokat b’mod frawdolenti))

(2018/C 123/03)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hof van Cassatie

Parti fil-proċedura kriminali prinċipali

Ömer Altun, Abubekir Altun, Sedrettin Maksutogullari, Yunus Altun, Absa NV, M. Sedat BVBA, Alnur BVBA

fil-preżenza ta’: Openbaar Ministerie

Dispożittiv

L-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 u l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-istituzzjoni tal-Istat Membru li fih ġew ikkollokati l-ħaddiema tkun adixxiet lill-istituzzjoni li tkun ħarġet Ċertifikati E 101 b’talba għall-eżami mill-ġdid u l-irtirar ta’ dawn fid-dawl tal-provi miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni ġudizzjarja li waslet għall-konstatazzjoni li dawn iċ-ċertifikati kienu nkisbu jew invokati b’mod frawdolenti, u li l-istituzzjoni li ħarġithom astjeniet milli tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-provi għall-finijiet tal-eżami mill-ġdid tal-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija ċertifikati, il-qorti nazzjonali tista’, fil-kuntest ta’ proċedura mwettqa kontra persuni ssuspettati li użaw ħaddiema kkollokati koperti minn tali ċertifikati, teskludi lil dawn tal-aħħar jekk, abbażi tal-imsemmija provi u fl-osservanza tal-garanziji inerenti għad-dritt għal smigħ xieraq li għandhom jingħataw lil dawn il-persuni, hija tikkonstata l-eżistenza ta’ tali frodi.


(1)  ĠU C 335, 12.9.2016.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-8 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-380/16) (1)

((Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Tassazzjoni - Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 73 - Ammont taxxabbli - Artikoli 306 sa 310 - Skema speċjali għall-aġenziji tal-ivjaġġar - Esklużjoni minn din l-iskema ta’ bejgħ lill-impriżi taxxabbli - Determinazzjoni globali tal-ammont taxxabbli għal perijodu partikolari - Inkompatibbiltà))

(2018/C 123/04)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Owsiany-Hornung u M. Wasmeier, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze u R. Kanitz, aġenti)

Parti intervenjenti insostenn tal-konvenuta: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: M. K. Bulterman, C. S. Schillemans u B. Koopman, aġenti)

Dispożittiv

1)

Billi eskludiet, mill-iskema speċjali tat-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għall-aġenziji tal-ivjaġġar, is-servizzi tal-ivjaġġar pprovduti lil persuni taxxabbli, li jużawhom f’isem l-impriża tagħhom, u billi awtorizzat lill-aġenziji tal-ivvjaġġar, sa fejn dawn huma suġġetti għall-imsemmija skema, jiddeterminaw l-ammont taxxabbli tat-taxxa fuq il-valur miżjud b’mod globali għal gruppi ta’ servizzi jew għas-servizzi kollha pprovduti f’perijodu taxxabbli, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skont l-Artikolu 73 u l-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

2)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.


(1)  ĠU C 314, 29.8.2016.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/4


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-8 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-590/16) (1)

((Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 2008/118/KE - Artikolu 7 - Arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa - Provvista ta’ prodotti petrolifiċi, mingħajr l-impożizzjoni ta’ dazji tas-sisa - Stazzjonijiet ta’ pompi tal-petrol fil-fruntiera tar-Repubblika Ellenika ma’ pajjiżi terzi - Eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa - Kunċett ta’ “rilaxx għall-konsum” ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa - Kunċett ta’ “ħruġ minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju”))

(2018/C 123/05)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Tomat u A. Kyratsou, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: E.-M. Mamouna u M. Tassopoulou, aġenti)

Dispożittiv

1)

Billi adottat u żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li tawtorizza l-bejgħ ta’ prodotti petrolifiċi mhux intaxxati mill-istazzjonijiet ta’ pompi tal-petrol ta’ Katastimata Aforologiton Eidon AE fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera ta’ Kipoi Evrou (il-Greċja), ta’ Kakavia (il-Greċja) u ta’ Evzonoi (il-Greċja), li jinsabu f’reġjuni li jmissu ma’ pajjiżi terzi, jiġifieri, rispettivament, ir-Repubblika tat-Turkija, ir-Repubblika tal-Albanija u Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118/KE tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE.

2)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.


(1)  ĠU C 30, 30.1.2017.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/5


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Frar 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) – ir-Renju Unit) – The Queen, fuq it-talba ta’: American Express Co. vs The Lords Commissioners of Her Majesty’s Treasury

(Kawża C-643/16) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva (UE) 2015/2366 - Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern - Artikolu 35(1) - Rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess għal fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas awtorizzati jew irreġistrati għas-sistemi ta’ ħlas - Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) - Inapplikabbiltà ta’ dawn ir-rekwiżiti għas-sistemi ta’ ħlas magħmulin esklużivament minn fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jappartjenu lil grupp - Applikabbiltà tal-imsemmija rekwiżiti għal skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li kkonkludew ftehimiet ta’ co-branding jew ta’ aġenzija - Validità))

(2018/C 123/06)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: The Queen, fuq it-talba ta’: American Express Co.,

Konvenut: The Lords Commissioners of Her Majesty’s Treasury

fil-preżenza ta’: Diners Club International Limited, MasterCard Europe SA

Dispożittiv

1)

Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li kkonkludiet ftehim ta’ co-branding ma’ sieħeb ta’ co-branding ma huwiex imċaħħad mill-benefiċċju tal-esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni u għaldaqstant ma huwiex suġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 35(1) ta’ din id-direttiva fil-każ fejn dan is-sieħeb ta’ co-branding ma jkunx fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u ma jipprovdix servizzi ta’ ħlas f’din l-iskema f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ co-branding. Min-naħa l-oħra, skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li tagħmel użu minn aġent għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas hija mċaħħda mill-benefiċċju ta’ din l-esklużjoni u, għaldaqstant, hija suġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu 35(1).

2)

L-eżami tat-tieni domanda preliminari ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2015/2366.


(1)  ĠU C 78, 13.3.2017.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-8 ta’ Frar 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale Amministrativo Regionale Calabria – l-Italja) – Lloyd's of London vs Agenzia Regionale per la Protezione dell'Ambiente della Calabria

(Kawża C-144/17) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kuntratti pubbliċi - Artikoli 49 u 56 TFUE - Direttiva 2004/18/KE - Raġunijiet għal esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti - Servizzi ta’ assigurazzjoni - Parteċipazzjoni ta’ diversi sindakati ta’ Lloyd’s of London fl-istess sejħa għal offerti - Sottoskrizzjoni ta’ offerti mir-rappreżentant ġenerali ta’ Lloyd’s of London għall-pajjiżi kkonċernati - Prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni - Proporzjonalità))

(2018/C 123/07)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale Calabria

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Lloyd's of London

Konvenuta: Agenzia Regionale per la Protezione dell'Ambiente della Calabria

Dispożittiv

Il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni naxxenti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE u li huma previsti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekulux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix l-esklużjoni ta’ żewġ “syndicates” tal-Lloyd’s of London mill-parteċipazzjoni fl-istess proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni sempliċiment minħabba l-fatt li kull waħda mill-offerti rispettivi tagħhom ġiet sottoskritta mir-rappreżentant ġenerali tal-Lloyd’s of London għal dan l-Istat Membru, iżda għall-kuntrarju tippermetti l-esklużjoni tagħhom jekk ikun jidher, minn elementi inkontestabbli, li l-offerti ma ġewx ifformulati b’mod indipendenti.


(1)  ĠU C 213, 03.07.2017.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-8 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-181/17) (1)

((Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Politika tat-trasport - Regolament (KE) Nru 1071/2009 - Operatur tat-trasport bit-triq - Awtorizzazzjoni ta’ trasport pubbliku - Kundizzjonijiet għall-għoti - Artikolu 3(1) u (2) - Artikolu 5(b) - Numru ta’ vetturi meħtieġa - Leġiżlazzjoni nazzjonali - Kundizzjonijiet għall-għoti iktar stretti - Numru mimimu ta’ vetturi ogħla))

(2018/C 123/08)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Hottiaux u J. Rius, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: V. Ester Casas, aġent)

Dispożittiv

1)

Billi rrikjeda li l-impriżi jkollhom tal-inqas tliet vetturi sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni ta’ trasport pubbliku, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3(1) u (2) u l-Artikolu 5(b) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE.

2)

Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.


(1)  ĠU C 195, 19.6.2017


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/7


Appell ippreżentat fid-19 ta’ Awwissu 2017 miċ-CBA Spielapparate- und Restaurantbetriebs GmbH mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-19 ta’ Ġunju 2017 fil-Kawża T-906/16, CBA Spielapparate- und Restaurantbetriebs GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-508/17 P)

(2018/C 123/09)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: CBA Spielapparate- und Restaurantbetriebs GmbH (rappreżentant: A. Schuster, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Frar 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (L-Għaxar Awla) ċadħet l-appell u kkundannat lill-appellanti tbati l-ispejjeż tagħha stess.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Wien (l-Awstrija) fil-15 ta’ Diċembru 2017 – Adelheid Krah vs Universität Wien

(Kawża C-703/17)

(2018/C 123/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Adelheid Krah

Konvenuta: Universität Wien

Domandi preliminari

Domanda 1:

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (1) u l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola li tgħid li l-perijodi ta’ attività preċedenti rilevanti mwettqa minn membru tal-persunal tal-għalliema tal-Università ta’ Vjenna jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa tul totali ta’ tlieta jew erba’ snin, kemm jekk ikunu perijodi ta’ attività mwettqa mal-Università ta’ Vjenna jew ma’ universitajiet jew stabbilimenti oħra paragunabbli li jinsabu fl-Awstrija jew f’pajjiż barrani?

Domanda 2:

Sistema ta’ remunerazzjoni li ma tipprevedix it-teħid inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ tal-perijodi ta’ attività preċedenti rilevanti, filwaqt li torbot il-benefiċċju ta’ remunerazzjoni ogħla mal-anzjanità miksuba mal-istess persuna li timpjega, tikser il-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit mill-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011?


(1)  ĠU 2011, L 141, p. 1.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (l-Awstrija) fil-21 ta’ Diċembru 2017 – Ahmad Shah Ayubi

(Kawża C-713/17)

(2018/C 123/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesverwaltungsgericht Oberösterreich

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Ahmad Shah Ayubi

Konvenuta: Bezirkshauptmannschaft Linz-Land

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE (1) għandu jiġi interpretat f’termini li Stat Membru jiżgura li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jirċievu (fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni) l-istess assistenza soċjali neċessarja bħal dik prevista għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, fis-sens li jissodisfa l-kriterji tal-applikabbiltà diretta żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja?

2)

L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-assistenza soċjali, taħt il-forma tal-garanizja ta’ riżorsi minimi sabiex tiġi żgurata l-kopertura tal-bżonnijiet, ma tingħatax għalkollox, jiġifieri bl-istess livell bħal dik mogħtija liċ-ċittadini tal-Istat Membru, ħlief unikament lill-benefiċjarji tad-dritt għall-ażil li għandom dritt ta’ residenza permanenti, iżda li tnaqqas il-provvista ta’ assistenza soċjali skont din il-garanizja ta’ riżorsi minimi għall-benefiċjarji tad-dritt għall-ażil li jkunu kisbu biss dritt ta’ residenza temporanju, billi għalhekk dawn tal-aħħar jiġu assimilati, fir-rigward tal-ammont tal-assistenza soċjali, mal-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja?


(1)  Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Hannover (il-Ġermanja) fis-27 ta’ Diċembru 2017 – Sebastien Vollmer, Vera Sagalov vs Swiss Global Air Lines AG

(Kawża C-721/17)

(2018/C 123/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Hannover

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Sebastien Vollmer, Vera Sagalov

Konvenuta: Swiss Global Air Lines AG

Domandi preliminari

1)

Jista’ jeżisti dritt għal kumpens ukoll abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (1) meta, minħabba dewmien fil-wasla ta’ inqas minn tliet sigħat, passiġġier ma jkunx seta’ jaqbad titjira konnessa diretta u meta dan ikollu bħala konsegwenza dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar lejn id-destinazzjoni finali, iżda meta ż-żewġ titjiriet ikunu operati minn trasportaturi tal-ajru differenti?

2)

Jista’ jeżisti dritt għal kumpens ukoll abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jekk it-trasportaturi tal-ajru differenti jkollhom rabta għaliex jifformaw parti minn grupp?


(1)  Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Jannar 2018 – Michael Winterhoff bħala stralċjarju tal-patrimonju ta’ DIREKTexpress Holding AG vs Finanzamt Ulm

(Kawża C-4/18)

(2018/C 123/13)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Michael Winterhoff bħala stralċjarju tal-patrimonju ta’ DIREKTexpress Holding AG

Konvenut: Finanzamt Ulm

Domanda preliminari

Imprenditur li jwettaq komunikazzjoni formali ta’ atti konformement mad-dispożizzjonijiet irregolati mid-dritt pubbliku huwa “fornitur ta’ servizz universali” fis-sens tal-punt 13 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 (1), li jiżgura t-totalità ta’ jew parti mis-servizz postali universali u dawn is-servizzi huma eżentati skont l-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2)?


(1)  Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71).

(2)  ĠU 2006, L 347, p. 1.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/10


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Jannar 2018 – Jochen Eisenbeis bħala stralċjarju tal-patrimonju ta’ Jurex GmbH vs Bundeszentralamt für Steuern

(Kawża C-5/18)

(2018/C 123/14)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Jochen Eisenbeis bħala stralċjarju tal-patrimonju ta’ Jurex GmbH

Konvenut: Bundeszentralamt für Steuern

Domandi preliminari

1)

Il-komunikazzjoni formali ta’ atti skont dispożizzjonijiet irregolati mid-dritt pubbliku (dispożizzjonijiet proċedurali u liġijiet li jirregolaw il-komunikazzjoni amministrattiva – Artikolu 33(1) tal-Postgesetz (il-Liġi dwar is-Servizzi Postali)) tikkostitwixxi servizz postali universali skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 97/69/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 (1) (id-Direttiva Postali)?

2)

Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

Imprenditur li jwettaq komunikazzjoni formali ta’ atti konformement mad-dispożizzjonijiet irregolati mid-dritt pubbliku huwa “fornitur ta’ servizz universali” fis-sens tal-punt 13 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li jiżgura t-totalità ta’ jew parti mis-servizz postali universali u dawn is-servizzi huma eżentati skont l-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2)?


(1)  Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71).

(2)  ĠU 2006, L 347, p. 1.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/10


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fid-9 ta’ Jannar 2018 – Michael Dobersberger

(Kawża C-16/18)

(2018/C 123/15)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Michael Dobersberger

Konvenuta: Magistrat der Stadt Wien

Domandi preliminari

1)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE (1) tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (iktar ’il quddiem ukoll id-“Direttiva 96/71”), b’mod partikolari l-Artikolu 1(3)(a) tagħha, jinkludi wkoll il-provvista ta’ servizzi bħas-servizz ta’ ristorazzjoni permezz ta’ ikel u xorb lill-passiġġieri, is-servizz ta’ alloġġ jew is-servizz ta’ tindif minn impjegati ta’ impriża ta’ servizzi li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru mittenti (l-Ungerija) fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż ma’ operatur ferrovjarju li għandu s-sede tiegħu fl-Istat Membru ospitanti (l-Awstrija), meta dawn is-servizzi huma pprovduti f’ferroviji internazzjonali, li jaqsmu wkoll l-Istat Membru ospitanti?

2)

L-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 ikopri wkoll il-każ fejn l-impriża ta’ servizzi li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru mittenti ma tipprovdix is-servizzi msemmija fl-ewwel domanda fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż mal-operatur ferrovjarju stabbilit fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika b’mod definittiv minn servizzi (destinatarju tal-provvista ta’ servizzi), iżda fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż ma’ impriża oħra stabbilita fl-Istat Membru ospitanti, li min-naħa tagħha, tkun ikkonkludiet kuntratt mal-operatur ferrovjarju (katina ta’subappalt)?

3)

L-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 ikopri wkoll il-każ fejn l-impriża ta’ servizzi li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru mittenti tuża, fid-dawl tal-provvista tas-servizzi msemmija fl-ewwel domanda, mhux l-impjegati tagħha stess, iżda l-ħaddiema ta’ impriża oħra, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom issir fl-Istat Membru mittenti?

4)

Indipendentement mir-risposti għall-ewwel sat-tielet domanda: id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 56 u 57 TFUE), jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fid-dawl tal-provvista ta’ servizz l-obbligu li josservaw il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 u l-osservanza tal-obbligi anċillari (b’mod partikolari dak dwar id-dikjarazzjoni tal-kollokament transkonfinali ta’ ħaddiema lil awtorità tal-Istat Membru ospitanti u dak dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dokumenti li jikkonċernaw l-ammont tar-remunerazzjoni u l-affiljazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema mas-sigurtà soċjali) ukoll fil-każijiet fejn (l-ewwel nett), il-ħaddiema kollokati b’mod transkonfinali jagħmlu parti mill-persunal mobbli ta’ operatur ferrovjarju li għandu attività transkonfinali jew ta’ impriża li tipprovdi servizzi tipiċi ta’ operatur ferrovjarju (servizz ta’ ristorazzjoni permezz ta’ ikel u xorb lill-passiġġieri; servizzi ta’ alloġġ) fil-ferroviji tiegħu, li jaqsmu l-fruntieri tal-Istati Membru, u fejn (it-tieni nett), il-kollokament ma huwa bbażat fuq ebda kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi jew, tal-inqas, ma huwiex ibbażat fuq kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi konkluż bejn l-impriża mittenti u d-destinatajru tal-provvista ta’ servizzi li jeżerċita l-attività tiegħu fi Stat Membru ieħor, minħabba li l-obbligu li jiġu pprovduti servizzi fuq l-impriża mittenti fir-rigward tad-destinatarju tal-provvista ta’ servizzi li jeżerċita l-attività tiegħu fi Stat Membru ieħor jirriżulta mill-kuntratti ta’ subappalt (katina ta’ subappalt), u fejn (it-tielet nett) il-ħaddiema kollokati ma għandhomx relazzjoni ta’ xogħol mal-impriża mittenti, iżda relazzjoni ta’ xogħol ma’ impriża terza li tqiegħed lill-ħaddiema tagħha għad-dispożizzjoni tal-impriża mittenti fit-territorju tal-Istat Membru tas-sede tal-impriża mittenti?


(1)  Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431).


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/11


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Mureş (ir-Rumanija) fid-9 ta’ Jannar 2018 – Proċeduri kriminali kontra Virgil Mailat, Delia Elena Mailat u Apcom Select SA

(Kawża C-17/18)

(2018/C 123/16)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Mureş

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Virgil Mailat, Delia Elena Mailat, Apcom Select SA

Domandi preliminari

1)

Il-konklużjoni ta’ ftehim li permezz tiegħu kumpannija tikri bini lil kumpannija oħra li fih kienu jitwettqu attivitajiet speċifiċi ta’ għoti ta’ alimentazzjoni lill-pubbliku f’ristorant, flimkien mat-tagħmir u mal-beni tal-inventarju kollha, u l-kumpannija kerrejja tkompli twettaq l-istess attivitajiet ta’ għoti ta’ alimentazzjoni lill-pubbliku f’ristorant bl-istess isem bħal dak użat preċedentement, tikkostitwixxi trasferiment ta’ attività fis-sens tal-Artikolu 19 u tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2006/112/KE (1)?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-operazzjoni deskritta tirrappreżenta provvista ta’ servizzi li tista’ titqies bħala kiri ta’ proprjetà immobbli fis-sens tal-Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva tal-VAT jew bħala provvista ta’ servizzi kumplessi li ma tistax titqies bħala kiri ta’ proprjetà immobbli u li hija taxxabbli skont il-liġi?


(1)  ĠU 2006 L 347, p. 1.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/12


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Darmstadt (il-Ġermanja) fil-11 ta’ Jannar 2018 – TopFit e.V., Daniele Biffi vs Deutschen Leichtathletikverband e.V.

(Kawża C-22/18)

(2018/C 123/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Darmstadt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: TopFit e.V., Daniele Biffi

Konvenuta: Deutscher Leichtathletikverband e.V.

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 18, 21 u 165 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dispożizzjoni tar-regolament ta’ atletika ta’ federazzjoni ta’ Stat Membru, li tagħmel il-parteċipazzjoni fil-kampjonati nazzjonali suġġetta għall-kundizzjoni ta’ nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, tikkostitwixxi diskriminazzjoni illegali?

2)

L-Artikoli 18, 21 u 165 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li federazzjoni ta’ Stat Membru twettaq diskriminazzjoni illegali fil-konfront ta’ sportivi dilettanti li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, meta tippermettilhom ċertament li jipparteċipaw fi kampjonati nazzjonali, iżda huwa unikament “barra minn klassifikazzjoni” jew “mingħajr klassifikazzjoni” li tippermettilhom jipparteċipaw fi tlielaq jew provi finali?

3)

L-Artikoli 18, 21 u 165 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li federazzjoni ta’ Stat Membru twettaq diskriminazzjoni illegali fil-konfront ta’ sportivi dilettanti li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, billi teskludihom mill-għoti ta’ titoli nazzjonali jew ta’ pożizzjoni?


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/12


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fis-17 ta’ Jannar 2018 – “Elektrorazpredelenie Jug” EAD vs Komisia za energiyno i vodno regulirane (KEVR)

(Kawża C-31/18)

(2018/C 123/18)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti:“Elektrorazpredelenie Jug” EAD

Konvenuta: Komisia za energiyno i vodno regulirane (KEVR)

Domandi preliminari

1)

Il-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-uniku kriterju sabiex issir distinzjoni bejn in-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku u n-netwerk tat-trażmissjoni tal-elettriku, jiġifieri bejn l-attivitajiet ta’ “distribuzzjoni” u ta’ “trażmissjoni” tal-elettriku, huwa l-livell tal-vultaġġ u fis-sens li l-Istati Membri, minkejja l-libertà tagħhom li jaġixxu sabiex jallokaw lill-utenti tan-netwerks lil tip jew ieħor ta’ netwerk (trażmissjoni jew distribuzzjoni), ma jistgħux jintroduċu bħala kriterju addizzjonali, sabiex issir distinzjoni bejn attivitajiet ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, min huwa l-proprjetarju tal-assi li jintużaw sabiex jitwettqu dawn l-attivitajiet?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-utenti tal-elettriku, konnessi man-netwerk tal-elettriku b’vultaġġ medju għandhom jiġu ttrattati f’kull każ bħala klijenti tal-operatur tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku, li jkollu liċenzja għat-territorju inkwistjoni, irrispettivament minn min ikun il-proprjetarju tal-faċilitajiet li magħhom ikunu direttament konnessi l-installazzjonijiet tal-elettriku ta’ dawn il-klijenti u irrispettivament mir-relazzjonijiet kuntrattwali li l-klijenti jkollhom direttament mal-operatur tan-netwerk tat-trażmissjoni?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: is-sens u l-għanijiet tad-Direttiva 2009/72 jippermettu l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet legali nazzjonali, bħal dik prevista fil-punt 44 tal-Artikolu 1, ikkunsidrat flimkien mal-punt 20 tal-istess artikolu, tad-Dopalnitelnite razporedbi na Zakona za energetikata (Dispożizzjonijiet addizzjonali għal-Liġi dwar l-Enerġija), li minnhom jirriżulta li l-espressjoni “trażmissjoni tal-elettriku” tfisser it-trasport tal-elettriku fuq in-netwerk tat-trażmissjoni, filwaqt li n-“netwerk tat-trażmissjoni tal-elettriku” huwa kkostitwit mill-interkonnetturi u mill-installazzjonijiet tal-elettriku li jintużaw għat-trażmissjoni, għat-trasformazzjoni tal-elettriku minn vultaġġ għoli għal vultaġġ medju u għar-ridistribuzzjoni tal-flussi tal-elettriku? F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija permissibbli l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 88(1) taż-Zakona za energetikata (Liġi dwar l-Enerġija), li jipprovdi: “Id-distribuzzjoni tal-elettriku u l-operazzjoni tan-netwerks tad-distribuzzjoni tal-elettriku għandhom jitwettqu mill-operaturi tan-netwerks tad-distribuzzjoni tal-elettriku – li jkunu l-proprjetarji ta’ tali netwerks f’territorju partikolari u li jkunu lliċenzjati sabiex jiddistribwixxu l-elettriku fit-territorju inkwistjoni”?


(1)  Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/13


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-122/18)

(2018/C 123/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Gattinara u C. Zadra, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Repubblika Taljana, billi naqset u tkompli tonqos milli tiżgura li l-awtoritajiet pubbliċi jevitaw li jeċċedu t-termini ta’ 30 jew 60 jum kalendarju għall-ħlas tad-djun kummerċjali tagħhom, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 48, p. 1) u, b’mod partikolari, l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-provi li jinsabu fil-pussess tal-Kummissjoni, li huma bbażati fuq informazzjoni prodotta mir-Repubblika Taljana matul il-proċedura prekontenzjuża, jindikaw li t-termini tal-ħlas ta’ 30 u 60 jum, speċifikati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv, jiġu eċċeduti mhux minn korpi singoli iżda minn kategorija sħiħa ta’ awtoritajiet pubbliċi, mhux inkonnessjoni ma’ tranżazzjoni kummerċjali waħda iżda jirrappreżentaw termini medji ta’ ħlas jiġifieri inkonnessjoni ma’ kull tranżazzjoni konkluża minn dawn l-awtoritajiet u, finalment, mhux biss f’perijodu limitat ta’ żmien iżda b’mod kostanti sa minn Settembru tal-2014 sad-data li fiha ġie ppreżentat dan ir-rikors. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li ġie stabbilit ksur kontinwat u sistematiku tal-Artikolu 4 tad-direttiva.


Il-Qorti Ġenerali

9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/15


Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Frar 2018 – Klyuyev vs Il-Kunsill

(Kawża T-731/15) (1)

((“Politika estera u ta’ sigurtà komuni - Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina - Iffriżar ta’ fondi - Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li fil-konfront tagħhom japplika l-iffriżar ta’ fondi u tar-riżorsi ekonomiċi - Żamma tal-isem tar-rikorrent fil-lista - Obbligu ta’ motivazzjoni - Bażi legali - Bażi fattwali - Żball manifest ta’ evalwazzjoni - Drittijiet tad-difiża - Dritt għall-proprjetà - Dritt għar-reputazzjoni - Proporzjonalità - Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ekwivalenti għal dik iggarantita fl-Unjoni - Eċċezzjoni ta’ illegalità”))

(2018/C 123/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Sergiy Klyuyev (Donetsk, l-Ukrajna) (rappreżentanti: R. Gherson, T. Garner, solicitors, B. Kennelly, QC, u J. Pobjoy, barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: Á. de Elera-San Miguel Hurtado u J.-P. Hix, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE għal annulament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1781 tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar il-miżuri restrittivi kontra ċerti persuni, ċerti entitajiet u ċerti korpi fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2015, L 259, p. 23) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1777 tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2015 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2015, L 259, p. 3), it-tieni nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/318/PESK tal-4 ta’ Marzu 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2016, L 60, p. 76), u tar-regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2016/311 tal-Kunsill tal-4 ta’ Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2016, L 60, p. 1), u t-tielet nett, id-Deċiżjoni (PESK) 2017/381 tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2017, L 58, p. 34) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/374 tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2017, L 58, p. 1), sa fejn l-isem tar-rikorrenti kien inżamm fil-lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi.

Dispożittiv

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/381 tat-3 ta’ Marzu 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi minħabba s-sitwazzjoni fl-Ukraina u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/374 tat-3 ta’ Marzu 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u ta’ ċerti korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina huma annullati, peress li l-isem tas- Sergiy Klyuyev kien inżamm fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi.

2)

L-effetti tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2017/381 u l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/374 qed jinżammu fir-rigward ta’ S. Klyuyev sakemm jiskadi t-terminu tal-appell imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew, jekk appell ikun ippreżentat f’dak il-perijodu, sakemm l-appell jiġi miċħud.

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)

S. Klyuyev huwa kkundannat iħallas, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tat-talbiet għal annullament magħmula fir-rikors u fl-ewwel nota ta’ adattament.

5)

Il-Kunsill huwa kkundannat iħallas, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, l-ispejjeż sostnuti minn S. Klyuyev fir-rigward tat-talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2017/381 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/374, imressqa fit-tieni nota ta’ adattament.


(1)  ĠU C 68, 22.2.2016.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/16


Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Frar 2018 – Deutsche Post vs EUIPO – bpost (BEPOST)

(Kawża T-118/16) (1)

((“Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għal trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea BEPOST - Trade mark figurattiva preċedenti tal-Unjoni Ewropea ePost u trade mark verbali preċedenti nazzjonali POST - Trade mark mhux irreġistrata jew sinjal użat fil-kummerċ POST - Raġuni relattiva għal rifjut - Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001] - Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001) - Nuqqas ta’ dannu għar-reputazzjoni u nuqqas ta’ taħlit - Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 2017/1001) - Provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali”))

(2018/C 123/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Deutsche Post AG (Bonn, il-Ġermanja) (rappreżentanti: K. Hamacher u G. Müllejans, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Folliard-Monguiral, G. Sakalaite-Orlovskiene u D. Walicka, aġenti)

Parti oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali: bpost NV (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: inizjalment L. Hubert u K. Ongena, sussegwentement H. Dhondt u J. Cassiman, avukati)

Suġġett

Rikors ippreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO, tat-18 ta’ Jannar 2016 (Każ R 3107/2014-1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Deutsche Post u bpost.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Deutsche Post AG hija kkundannata għall-ispejjeż.


(1)  ĠU C 165, 10.05.2016.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/17


Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 2018 – Schniga vs CPVO (Gala Schnico)

(Kawża T-445/16) (1)

((“Varjetajiet ta’ pjanti - Applikazzjoni għall-protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà tal-pjanta Gala Schnico - Eżami tekniku - Obbligu ta’ motivazzjoni - L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 75 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 - Omoġeneità - Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2100/94 - Eżami kumplimentari - Artikolu 57(3) tar-Regolament Nru 2100/94 - Ugwaljanza fit-trattament - Investigazzjoni ex officio tal-fatti miċ-CPVO - Artikolu 76 tar-Regolament Nru 2100/94”))

(2018/C 123/22)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Schniga GmbH (Bolzano, l-Italja) (rappreżentanti: G. Würtenberger u R. Kunze, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) (rappreżentanti: M. Ekvad, F. Mattina u U. Braun-Mlodecka, aġenti, assistiti minn A. von Mühlendahl u H. Hartwig, avukati)

Suġġett

Rikors ippreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-CPVO tat-22 ta’ April 2016 (Każ A 005/2014), dwar applikazzjoni għal protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà tal-pjanta Gala Schnico.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Schniga GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.


(1)  ĠU C 364, 3.10.2016.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/17


Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Frar 2018 – Repower vs EUIPO – repowermap.org (REPOWER)

(Kawża T-727/16) (1)

((“Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell li tirrevoka deċiżjoni preċedenti - Artikolu 80 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) 2017/1001) - Prinċipju ġenerali tad-dritt li jawtorizza l-irtirar ta’ att amministrattiv illegali”))

(2018/C 123/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Repower AG (Brusio, l-Isvizzeri) (rappreżentanti: R. Kunz-Hallstein u H. P. Kunz Hallstein, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (rappreżentant: J. Crespo Carrillo, aġent)

Parti oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali: repowermap.org (Berna, l-Isvizzera) (rappreżentant: P. González-Bueno Catalán de Ocón, avukat)

Suġġett

Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-3 ta’ Awwissu 2016 (Każ R 2311/2014-5 (REV)), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn repowermap.org u Repower.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti minn Repower AG u minn repowermap.org.


(1)  ĠU C 462, 12.12.2016.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/18


Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Frar 2018 – Kwang Yang Motor vs EUIPO – Schmidt (CK1)

(Kawża T-45/17) (1)

((“Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea CK1 - Trade mark figurattiva preċedenti tal-Unjoni Ewropea CK - Raġuni relattiva għal rifjut - Probabbiltà ta’ konfużjoni - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001]”))

(2018/C 123/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Kwang Yang Motor Co., Ltd (Kaohsiung, it-Tajwan) (rappreżentanti: A. González Hähnlein u A. Kleinheyer, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Crespo Carrillo u D. Walicka, aġenti)

Parti oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali: Udo Schmidt (Reken, il-Ġermanja) (rappreżentanti: G. Rother u J. Vogtmeier, avukati)

Suġġett

Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-2 ta’ Novembru 2016 (Każ R 2193/2015-2), fir-rigward ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn U. Schmidt u Kwang Yang Motor.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Kwang Yang Motor Co., Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.


(1)  ĠU C 78, 13.3.2017


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/19


Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Frar 2018 – Laboratoire Nuxe vs EUIPO – Camille u Tariot (NYouX)

(Kawża T-179/17) (1)

((“Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva NY ouX - Trade mark nazzjonali verbali preċedenti NUXE - Obbligu ta’ motivazzjoni - L-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001) - Raġuni relattiva għal rifjut - Probabbiltà ta’ konfużjoni - Xebh tal-prodotti - Karattru distintiv - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001)”))

(2018/C 123/25)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Laboratoire Nuxe (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: P. Wilhelm u J. Roux, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Folliard–Monguiral u V. Ruzek, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali: Élisabeth Camille (Alicante, Spanja) u Jean–Yves Tariot (Alicante)

Suġġett

Rikors kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tas-16 ta’ Jannar 2017 (Każ R 718/2016-5), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn, minn naħa, Laboratoire Nuxe u, min-naħa l-oħra, É. Camille u J-Y. Tariot.

Dispożittiv

1)

Id-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas-16 ta’ Jannar 2017 (Każ R 718/2016-5) hija annullata.

2)

Il-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż.


(1)  ĠU C 144, 8.5.2017.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/19


Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Frar 2018 – International Gaming Projects vs EUIPO – Zitro IP (TRIPLE TURBO)

(Kawża T-210/17) (1)

((“Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea TRIPLE TURBO - Trade mark figurattiva preċedenti tal-Unjoni Ewropea TURBO - Raġuni relattiva għal rifjut - Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li sar Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001]”))

(2018/C 123/26)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: International Gaming Projects Ltd (Qormi, Malta) (rappreżentant: M. Garayalde Niño, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (rappreżentant: J. Crespo Carrillo, aġent)

Parti oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali: Zitro IP Sàrl (Lussembrugu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: A. Canela Giménez, avukat)

Suġġett

Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-8 ta’ Frar 2017 (Każ R 119/2016-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Zitro IP u International Gaming Projects.

Dispożittiv

1)

Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat-8 ta’ Frar 2017 (Każ R 119/2016-4) hija annullata.

2)

L-EUIPO għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti minn International Gaming Projects Ltd.

3)

Zitro IP Sàrl għandha tbati l-ispejjeż tagħha.


(1)  ĠU C 161, 22.5.2017.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/20


Digriet tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Frar 2018 – Arcofin et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-711/14) (1)

((“Rikors għal annullament - Għajnuna mill-Istat - Għajnuna implementata mill-Belġju favur kumpanniji li huma kooperattivi finanzjarji tal-grupp ARCO - Skema ta’ garanzija li tipproteġi l-ishma tal-persuni fiżiċi li għandhom il-kwalità ta’ azzjonisti f’dawn il-kumpanniji - Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern - Vantaġġ selettiv - Miżura li toħloq distorsjoni jew li hemm it-theddida li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri - Miżura maħsuba sabiex tirrimedja tfixkil gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru - Aspettattivi leġittimi - Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt”))

(2018/C 123/27)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Arcofin SCRL (Brussell, il-Belġju), Arcopar SCRL (Brussell), Arcoplus (Brussell) (rappreżentanti: R. Martens, A. Verlinden u C. Maczkovics, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Flynn u B. Stromsky, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/686/UE tat-3 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33927 (12/C) (ex 11/NN) implimentata mill-Belġju – Skema ta’ garanzija li tipproteġi l-ishma ta’ membri individwali ta’ kooperattivi finanzjarji (ĠU 2014, L 284, p. 53).

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt.

2)

Arcofin SCRL, Arcopar SCRL et Arcoplus huma kkundannati għall-ispejjeż.


(1)  ĠU C 409, 17.11.2014.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/21


Digriet tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Frar 2018 – AEIM u Kazenas vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-436/16) (1)

((“Rikors għad-danni - Preskrizzjoni - Assenza ta’ prova tad-dannu - Rikors manifestament iddestinat għaċ-ċaħda”))

(2018/C 123/28)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: L’application électronique industrielle moderne (AEIM) (Algrange, Franza) u Philippe Kazenas (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: B. Wizel, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment S. Delaude u S. Lejeune, sussegwentement S. Delaude, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti wara l-atti ta’ korruzzjoni mwettqa minn aġent tal-Kummissjoni.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

L’Application électronique industrielle moderne (AEIM) u M. Philippe Kazenas huma kkundannati għall-ispejjeż.


(1)  ĠU C 371, 10.10.2016.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/21


Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Frar 2018 – Collins vs Il-Parlament

(Kawża T-919/16) (1)

((“Privileġġi u immunitajiet - Membru tal-Parlament Ewropew - Deċiżjoni li ma jiġux difiżi l-privileġġi u immunitajiet - Rikors manifestament inammissibbli - Nuqqas ta’ kompetenza manifesta - Rikors manifestament nieqes minn kull fundament fid-dritt”))

(2018/C 123/29)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Jane Maria Collins (Hotham, ir-Renju Unit) (rappreżentant: I. Anderson, solicitor)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: S. Alonso de León u M. Dean, aġenti)

Suġġett

L-ewwel nett, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2016 li ma jiddefendix l-immunità u l-privileġġi tar-rikorrenti, it-tieni nett, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li hija allegatament sostniet f’din l-okkażjoni u, it-tielet nett, talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar it-talba ta’ difiża tal-immunità u privileġġi tar-rikorrenti.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

J. M. Collins għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew.


(1)  ĠU C 70, 6.3.2017.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/22


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Diċembru 2017 – PV vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-786/16)

(2018/C 123/30)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: PV (rappreżentant: M. Casado García-Hirschfeld, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara din it-talba ammissibbli u fondata;

konsegwentement, tordna li:

tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati tal-31 ta’ Mejju 2016 u tal-5 ta’ Lulju 2016 fuq l-ammonti miżmuma mis-salarju li għalihom ir-rikorrent ressaq l-ilmenti skont l-Artikolu 90(2) tal-Istatut rispettivament fid-29 ta’ Lulju 2016 (R/492/16) u fit-30 ta’ Lulju 2016 (R/493/16) u miċħuda t-tnejn li huma fit-28 ta’ Novembru 2016;

tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati tal-15 ta’ Settembru 2016 u tal-11 ta’ Lulju 2016 fuq l-ammonti miżmuma mis-salarju u l-iffissar għal żero tas-salrju minn Lulju 2016, li għalihom ir-rikorrent ressaq l-ilment skont l-Artikolu 90(2) tal-Istatut fid-19 ta’ Settembru 2016 (R/496/16) u li ġie miċħud fis-17 ta’ Jannar 2017;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-21 ta’ Settembru 2016 li tinforma lir-rikorrent b’dejn globali ta’ EUR 42 704,74 fir-rigward tal-Kummissjoni li għalih tressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tal-Istatut tat-8 ta’ Novembru 2016 (R/556/16) u ġie miċħud fis-17 ta’ Jannar 2017;

tannulla n-nota ta’ debitu kkontestata Nru 32441709991 tal-20 ta’ Lulju 2017 għal ammont ta’ EUR 42 704,74, li teżiġi l-ħlas tad-dejn ikkontestat ta’ EUR 42 704,74 li għaliha tressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tal-Istatut fil-31 ta’ Lulju 2017 (R/346/17) u ġie miċħud fid-29 ta’ Novembru 2017;

tannula d-deċiżjoni ta’ revoka deċiża mill-Awtorità tal-Ħatra Tripartitika tas-26 ta’ Lulju 2016 li kontriha r-rikorrent ressaq l-ilment skont l-Artikolu 90(2) tal-Istatut fit-3 ta’ Ottubru 2016 (R/510/16) u li ġie miċħudfit-2 ta’ Frar 2017, kif ukoll tannulla l-proċedura dixxiplinari CMS 13/087 f’dawn l-aspetti kollha;

tikkumpensa għad-dannu subit minħabba fastidju psikoloġiku fid-DĠ Impjiegi, fid-DĠ Baġit, fid-DĠ Interpretzzjoni u konġuntament mis-servizz mediku, il-PMO u d-DĠ HR, u l-ewwel fastidju jmur lura għal Ottubru 2008;

tannulla r-rapporti ta’ evalwazzjoni kollha 2014, 2015 u 2016 tar-rikorrent minħabba fastidju fid-DĠ SCIC;

u li tagħti d-danni li ġejjin abbażi tal-Artikolu 340 TFUE:

tordna l-kumpens għad-danni morali ta’ EUR 889 000 u tad-dannu materjali ta’ EUR 132 828,67 tar-rikorrent li jirriżultaw minn dawn id-deċiżjonijiet ikkontestati, stmati, mingħajr preġudizzju għal evalwazzjoni mill-ġdid, għas-somma ta’ EUR 1 021 828,67 flimkien mal-interessi moratorji sal-jum tal-ħlas sħiħ;

sussidjarjament, fid-dawl tal-fastidju subit u tal-au vu du harcèlement subi et des “dikjarazzjonijiet intenzjonalment foloz” użati, u bħala tali huma irregolaritajiet li ma jistgħux jiġu ttollerati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni:

tannulla l-ilmenti kollha l-oħra miżmuma fuq is-salrji għall-perijodu minn Marzu 2015 sa Lulju 2016 – jiġifieri 12-il deċiżjoni tad-9/2/2015, 30/3/2015, 5/5/2015, 24/6/2015, 1/10/2015, 12/11/2015, 15/1/2016, 22/4/2016, 31/5/2016, 5/7/2016, 15/9/2016 u 11/7/2016 kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tat-talbiet tiegħu ta’ annullament jiġifieri d-deċiżjonijiet R/1110/14 tal-11/3/2015, R/225/15 tat-3 ta’ Lulju 2015, R/292/15 tat-23 ta’ Lulju 2015, R/376/15 tat-18 ta’ Awwissu 2015, R/419/15 tal-25 ta’ Settembru 2015, R/496/15 tat-23 ta’ Ottubru 2015, R/787/15 u R/788/16 u R/71/16 tal-21 ta’ Marzu 2016, R/282/16 tat-12 ta’ Settembru 2016;

tannulla d-deċiżjonijiet kollha ta’ ċaħda li jirrigwardaw ilmenti fuq il-proċeduri ta’ evalwazzjoni jiġifieri ċ-ċaħda R/ll00/14 tat-12 ta’ Marzu 2015, R/313/15 tal-11 ta’ Awwissu 2015, R/676/15 tat-13 ta’ Ottubru 2015, R/127/16 u R/128/16 tas-7 ta’ Ġunju 2016 u R/342/16 tal-21 ta’ Settembru 2016;

tannulla ċ-ċaħda tat-talbiet għal assistenza – l-Artikolu 24 tal-Istatut –rispettivament tat-23 ta’ Ottubru 2014, tal-20 ta’ Jannar 2015, tal-20 ta’ Marzu 2015, tat-30 ta’ Lulju 2015 (talba D/322/15), tal-15 ta’ Marzu 2016 (talba D/776/15) u tat-18 ta’ Mejju 2016.

tannulla tous les “opinjonijiet mediċi” ta’ assenzi mhux ġustifikati tad-Dr. [X] tas-16 u t-18 ta’ Lulju 2018, 8 ta’ Awwissu 2014, 4 ta’ Settembru 2014, 4 ta’ Diċmebru 2014, 4 ta’ Frar 2015, 13 ta’ April 2015, 4 ta’ Ġunju 2015, 11 ta’ Awwissu 2015, 14 ta’ Ottubru 2015, 4 ta’ Diċembru 2015, 5 ta’ Frar 2016, 22 ta’ Marzu 2016, 18 ta’ April 2016, 3 ta’ Ġunju 2016, 30 ta’ Ġunju 2016 u tal-25 ta’ Lulju 2016;

tannulla l-“opinjonijiet mediċi” tas-27 ta’ Ġunju 2014 ta’ Dr. [X] u tal-10 ta’ Ottubru 2014 ta’ Dr. [Y] li reġgħu bagħtu lir-rikorrent għandi l-molestaturi tiegħu;

tannulla ċ-ċaħda tal-ilment amministrattiv R/182/16 tal-14 ta’ Lulju 2016 imressaq fit-22 ta’ Marzu 2016 dwar assenza mhux iġġustifikata tas-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 fejn joqgħod.

tannulla l-ittri ta’ intimazzjoni kollha rispettivament tal-10 ta’ Marzu 2015, tal-11 ta’ Mejju 2015, tal-10 ta’ Ġunju 2015, tal-11 ta’ Awwissu 2015, tat-13 ta’ Novembru 2015, tad-9 ta’ Diċembru 2015, tat-18 ta’ Lulju 2016 kif ukoll l-ittri ta’ informazzjoni minn qabel tan-nota ta’ debitu tal-21 ta’ Ġunju 2016 u tal-21 ta’ Settembru 2016;

fi kwalunkwe każ:

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 1, 3, 4 u 31(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-punt 2 tal-Artikolu 1e u l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”) li tistabilixxi l-projbizzjoni tal-fastidju psikoloġiku.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 21a, 22 dwar il-projbizzjoni li jitwettqu l-atti illegali.

3.

It-tielet motiv huwa ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ premura u ta’ assistenza bi ksur tal-Artikolu 24 tal-Istatut.

4.

Ir-raba’ motiv, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 59 u fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 60 tal-Istatut.

5.

Il-ħames motiv, huwa bbażat fuq l-Artikoli 41 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jirrigwardaw rispettivament it-trattament imparzjali u d-dritt għal smigħ, u d-drittijiet tad-difiża, kif ukoll l-Artikolu 3 tal-anness IX tal-Istatut dwar id-dritt ta’ smigħ mill- l-Awtorità tal-Ħatra (“AIPN”) qabel ir-rinviju quddiem il-Kunsill ta’ Dixxiplina, u konformement mal-ġurisprudenza Kerstens vs Il-Kummissjoni (is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2017, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T-270/16 P, mhux ippubbikata, EU:T:2017:74).

La partie requérante demande également l’octroi d’un dédommagement de 889 000 euros à titre de préjudice moral et de 132 828,67 euros à titre de préjudice matériel conformément à l’article 340 du TFUE.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/24


Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2018 – UZ vs Il-Parlament

(Kawża T-47/18)

(2018/C 123/31)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: UZ (rappreżentant: J.-N. Louis, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara u tiddeċiedi li:

id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Frar 2017 li timponi fuq ir-rikorrenti sanzjoni dixxiplinari ta’ degradazzjoni tal-grad AD 13 skala 3, għall-grad AD 12, b’effett mill-1 ta’ Marzu 2017 u aġġustament għal żero tal-punti ta’ mertu tagħha akkwistati fil-grad AD 13, hija annullata;

id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba tagħha għal assistenza hija annullata;

il-Parlament Ewropew huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikoli 3 u 22 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), sa fejn l-Awtorità tal-Ħatra la semgħet lir-rikorrenti rigward id-deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 3 tal-Anness IX u lanqas dwar iċ-ċaħda tagħha għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 9, 10 u 16 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn id-deċiżjoni dixxiplinari kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u timponi fuq ir-rikorrenti sanzjoni globali mhux prevista fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri degradazzjoni tal-grad, kanċellazzjoni ta’ punti ta’ mertu u l-esklużjoni tagħha minn kull kompitu maniġerjali.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-irregolarità tax-xogħlijiet tal-Bord Dixxiplinari sa fejn dan tal-aħħar intalab jiddeċiedi mingħajr ma nstemgħet minn qabel ir-rikorrenti, u wkoll sa fejn huwa kiser, matul il-proċedura, id-drittijiet tad-difiża.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal b’mod partikolari sa fejn l-Awtorità tal-Ħatra ma semgħetx lir-rikorrenti qabel ma ċaħdet it-talba għal assistenza tagħha.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/25


Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Jannar 2018 – Fashion Energy vs EUIPO – Retail Royalty (1st AMERICAN)

(Kawża T-54/18)

(2018/C 123/32)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Fashion Energy Srl (Milan, l-Italja) (rappreżentanti: T. Müller, F. Togo, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Retail Royalty Co. (Las Vegas, Nevada, l-Istati Uniti)

Informazzjoni dwar il-proċedimenti quddiem l-EUIPO

Applikant għat-trade mark kontenzjuża: ir-rikorrenti

Trade mark kontenzjuża kkonċernata:it-trade mark figurattiva tal-Unjoni li tinkludi l-element verbali “1st Amercian” – Applikazzjoni għal reġistrazzjoni Nru 8 622 078

Proċedimenti quddiem l-EUIPO: proċedimenti ta’ oppożizzjoni

Deċiżjoni kkontestata: id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-15 ta’ Novembru 2017 fil-Każ R 693/2017-2

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tissospendi l-proċeduri skont l-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali sakemm deċiżjoni definittiva u vinkolanti tkun ittieħdet fuq it-talba għal revoka parzjali kontra t-trade mark ta’ oppożizzjoni EUTM 005066113;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-EUIPO u lill-parti l-oħra jħallsu l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi invokati

Ksur tal-prinċipju ta’ audi alteram partem;

Ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/25


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Frar 2018 – Aeris Invest vs SRB

(Kawża T-62/18)

(2018/C 123/33)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Aeris Invest Sàrl (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: R. Vallina Hoset, A. Sellés Marco, C. Iglesias Megías u A. Lois Perreau de Pinninck, avukati)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni dwar il-Kawża 43/2017, tat-28 ta’ Novembru 2017, kif ukoll id-Deċiżjoni Konfermattiva SRB/CM01/ARES(2017)4898090 tas-6 ta’ Settembru 2017; u

tikkundanna lill-Bord Uniku tar-Riżoluzzjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni SRB/ES/2017/01, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (Deċiżjoni għal Aċċess) tikser l-Artikoli 90 tar-Regolament 806/2014 u 4 tar-Regolament 1049/2001, sa fejn, minn naħa, tirregola ultra vires id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u, min-naħa l-oħra, toħloq eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti mhux previsti fir-Regolament 1049/2001. Għalhekk, peress li l-bażi legali tagħha ma hijiex applikabbli skont l-Artikolu 277 TFUE, id-deċiżjoni tal-Bord għandha tiġi annullata.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord tikser l-Artikolu 296 TFUE sa fejn hija tindika sempliċement, b’mod vag u ġeneriku, li l-iżvelar tat-test sħiħ tal-Pjan 2016, id-Deċiżjoni ta’ Riżoluzzjoni u r-Rapport ta’ Evalwazzjoni jiksru l-Artikoli 4(1)(a) u 4(2) tar-Regolament 1049/2001.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord tikser l-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament 1049/2001, sa fejn: (i) il-politika ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma hijiex eċċezzjoni valida sabiex tillimita d-dritt fundamentali ta’ aċċess għal dokumenti; (ii) ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament 1049/2001 ma humiex issodisfatti; u (iii) l-evalwazzjoni tal-interessi kkonċernati tagħmilha neċessarja li jingħata aċċess għad-dokumenti mitluba.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord tikser l-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001, sa fejn il-fatt li tagħti aċċess sħiħ lid-Deċiżjoni ta’ Riżoluzzjoni, lir-Rapport ta’ Evalwazzjoni u lill-Pjan 2016: (i) ma jaffettwax l-interessi kummerċjali ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi; u (ii) fi kwalunkwe każ, il-piż tal-interessi involuti jagħmel possibbli li jingħata aċċess għad-dokumenti.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord tikser l-Artikolu 15 TFUE u l-Artikolu 88 tar-Regolament 806/2014, billi tirrifjuta l-aċċess għal informazzjoni li ma hijiex koperta mis-sigriet professjonali, sa fejn: (i) ma hemm l-ebda preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità skont l-Artikoli 88 tar-Regolament 806/2014 u 339 TFUE; u (ii) anki jekk din il-preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità teżisti, ma tkunx applikabbli ladarba d-dokumenti huma mitluba li jintużaw fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord tikkostitwixxi abbuż ta’ poter, sa fejn din tiċħad lil din il-parti aċċess sħiħ għal Pjan 2016 peress li dan “huwa għal kollox kopert mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a), fl-Artikolu 4(1)(c) u fl-Artikolu 4(2) [tad-Deċiżjoni ta’ Aċċess]”, meta, fil-fatt, hemm indikazzjonijiet li l-għan ta’ dan ir-rifjut huwa sabiex jinħbew l-iżbalji, il-lakuni u n-nuqqasijiet li hemm f’dan il-pjan.


9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/27


Digriet tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Frar 2018 – Alfa Laval Flow Equipment (Kunshan) vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-204/17) (1)

(2018/C 123/34)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Il-President tar-Raba’ Awla ordna t-tħassir tal-kawża.


(1)  ĠU C 161, 22.5.2017.