ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 86

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
6 ta' Marzu 2018


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

 

IL-PARLAMENT EWROPEW
SESSJONI 2016–2017
Dati tas-seduti: 6-9 ta’ Ġunju 2016
Il-Minuti ta' din is-sessjoni ġew ippubblikati fil- ĠU C 225, 13.7.2017 .
TESTI ADOTTATI

1


 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Parlament Ewropew

 

It-Tlieta 7 ta’ Ġunju 2016

2018/C 86/01

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (2015/2317(INI))

2

2018/C 86/02

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-Alleanza l-Ġdida għas-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni (2015/2277(INI))

10

2018/C 86/03

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-evalwazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) u dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS), tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) u tal-Bord tas-Sorveljanza tal-Interess Pubbliku (PIOB) (2016/2006(INI))

24

2018/C 86/04

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-Operazzjonijiet ta’ Appoġġ għall-Paċi – l-involviment tal-UE man-NU u l-Unjoni Afrikana (2015/2275(INI))

33

2018/C 86/05

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel (2015/2065(INI))

40

2018/C 86/06

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar soluzzjonijiet teknoloġiċi għal agrikoltura sostenibbli fl-UE (2015/2225(INI))

51

2018/C 86/07

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar it-tisħiħ tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp ekonomiku fil-ġestjoni futura tal-farms Ewropej (2015/2227(INI))

62

 

L-Erbgħa 8 ta’ Ġunju 2016

2018/C 86/08

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (05431/2015 – C8-0061/2015 – 2013/0441(NLE) – 2015/2234(INI))

72

2018/C 86/09

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA (2016/2573(RSP))

77

2018/C 86/10

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar kapaċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża Ewropea (2015/2276(INI))

84

2018/C 86/11

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-iżvilupp tas-suq spazjali (2016/2731(RSP))

95

2018/C 86/12

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2016/2699(RSP))

101

2018/C 86/13

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-interferenti endokrinali: sitwazzjoni attwali wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropeatal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 2015 (2016/2747(RSP))

105

2018/C 86/14

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti milll-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta mill-events Bt11, MIR162, MIR604 u GA21, u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2010/426/UE, 2011/893/UE, 2011/892/UE u 2011/894/UE (D044931/01 – 2016/2682(RSP))

108

2018/C 86/15

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (D044927/02 – 2016/2683(RSP))

111

 

Il-Ħamis 9 ta’ Ġunju 2016

2018/C 86/16

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-Kambodja (2016/2753(RSP))

114

2018/C 86/17

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar it-Taġikistan: is-sitwazzjoni tal-priġunieri minħabba twemmin (2016/2754(RSP))

118

2018/C 86/18

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-Vjetnam (2016/2755(RSP))

122

2018/C 86/19

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 għal amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti (2016/2610(RSP))

126

2018/C 86/20

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-kompetittività tal-industrija ferrovjarja Ewropea (2015/2887(RSP))

140


 

III   Atti preparatorji

 

IL-PARLAMENT EWROPEW

 

It-Tlieta 7 ta’ Ġunju 2016

2018/C 86/21

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk, sa fejn huma kkonċernati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li ma jaqgħux taħt it-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (14384/2015 – C8-0118/2016 – 2015/0101(NLE))

147

2018/C 86/22

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tar-Reviżjoni 3 tal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-adozzjoni ta' preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, it-tagħmir u l-partijiet li jistgħu jintramaw u/jew jintużaw fuq vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet (Ftehim Rivedut tal-1958) (13954/2015 – C8-0112/2016 – 2015/0249(NLE))

148

2018/C 86/23

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (12594/2014 – C8-0180/2015 – 2014/0234(NLE))

149

2018/C 86/24

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar ir-reġimi ta' proprjetà ta' koppji internazzjonali, li tkopri kemm ir-reġimi ta' proprjetà matrimonjali u kemm l-effetti patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati (08112/2016 – C8-0184/2016 – 2016/0061(NLE))

150

2018/C 86/25

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u mad-definizzjoni ta' reati kriminali (14387/2015 – C8-0119/2016 – 2015/0100(NLE))

151

2018/C 86/26

P8_TA(2016)0243
Swieq fl-istrumenti finanzjarji ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' ċerti dati (COM(2016)0056 – C8-0026/2016 – 2016/0033(COD))
P8_TC1-COD(2016)0033
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-7 ta' Ġunju 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

152

2018/C 86/27

P8_TA(2016)0244
Swieq tal-istrumenti finanzjarji, abbuż tas-suq u saldu tat-titoli ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli fir-rigward ta' ċerti dati (COM(2016)0057 – C8-0027/2016 – 2016/0034(COD))
P8_TC1-COD(2016)0034
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-7 ta' Ġunju 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli

153

2018/C 86/28

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar il-ħatra proposta ta' Rimantas Šadžius bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri (C8-0126/2016 – 2016/0805(NLE))

154

 

L-Erbgħa 8 ta’ Ġunju 2016

2018/C 86/29

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar it-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta inkarigat biex jinvestiga allegazzjonijiet ta’ kontravvenzjoni u ta’ amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, is-setgħat, kif ukoll id-daqs numeriku u l-mandat tiegħu(2016/2726(RSO))

155

2018/C 86/30

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Palau dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (12080/2015 – C8-0400/2015 – 2015/0193(NLE))

159

2018/C 86/31

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju ta' Tonga dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (12089/2015 – C8-0374/2015 – 2015/0196(NLE))

160

2018/C 86/32

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kolombja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (12095/2015 – C8-0390/2015– 2015/0201(NLE))

161

2018/C 86/33

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' ftehim fil-forma ta' Dikjarazzjoni dwar l-espansjoni tal-Kummerċ fil-Prodotti tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) (06925/2016 – C8-0141/2016 – 2016/0067(NLE))

162

2018/C 86/34

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-soġġezzjoni tas-sustanza psikoattiva ġdida 1-phenyl-2-(pyrrolidin-1-yl)pentan-1-one (α-pyrrolidinovalerophenone, α-PVP) għal miżuri ta' kontroll (15386/2015 – C8-0115/2016 – 2015/0309(CNS))

163

2018/C 86/35

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-ratifika u l-adeżjoni mill-Istati Membri f'isem l-Unjoni mal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbilità u l-Kumpens għall-Ħsara b’Konnessjoni mat-Trasportazzjoni bil-Baħar ta’ Sustanzi Perikolużi u ta’ Ħsara bl-eċċezzjoni ta' aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili (13806/2015 – C8-0410/2015 – 2015/0135(NLE))

164

2018/C 86/36

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-ratifika u l-adeżjoni mill-Istati Membri, f'isem l-Unjoni, mal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbilità u l-Kumpens għall-Ħsara b’Konnessjoni mat-Trasportazzjoni bil-Baħar ta’ Sustanzi Perikolużi u ta’ Ħsara fir-rigward tal-aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili (14112/2015 – C8-0409/2015 – 2015/0136(NLE))

168

2018/C 86/37

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll għall-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (13085/2014 – C8-0009/2015 – 2014/0224(NLE))

172

2018/C 86/38

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Qafas ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (05431/2015 – C8-0061/2015 – 2013/0441(NLE))

173

2018/C 86/39

P8_TA(2016)0264
Assistenza makrofinanzjarja lit-Tuneżija ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lit-Tuneżija (COM(2016)0067 – C8-0032/2016 – 2016/0039(COD))
P8_TC1-COD(2016)0039
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-8 ta' Ġunju 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva 2014/…/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lit-Tuneżija

174

2018/C 86/40

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (COM(2016)0026 – C8-0031/2016 – 2016/0011(CNS))

176

 

Il-Ħamis 9 ta’ Ġunju 2016

2018/C 86/41

Deċiżjoni li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-arranġamenti, sistemi u proċeduri xierqa għall-parteċipanti fis-suq li jiżvelaw it-twettiq ta' sondaġġi tas-suq (C(2016)02859 – 2016/2735(DEA))

214

2018/C 86/42

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (14956/2/2015 – C8-0129/2016 – 2013/0119(COD))

216

2018/C 86/43

P8_TA(2016)0278
Trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-kompetenza sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza f'materja tas-servizz pubbliku tal-UE ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-kompetenza sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, it-tilwimiet bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha (N8-0110/2015 – C8-0367/2015 – 2015/0906(COD))
P8_TC1-COD(2015)0906
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-9 ta' Ġunju 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza f'tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha

217


Tifsira tas-simboli użati

*

Proċedura ta' konsultazzjoni

***

Proċedura ta' approvazzjoni

***I

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari

***II

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari

***III

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tielet qari

(It-tip ta' proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta' att)

Emendi tal-Parlament:

Il-partijiet tat-testi l-ġodda huma indikati permezz tat-tipa korsiva u grassa . Il-partijiet tat-test imħassra huma indikati permezz tas-simbolu ▌ jew huma ingassati. Is-sostituzzjoni hija indikata billi t-test il-ġdid jiġi indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa u billi jitħassar jew jiġi ingassat it-test sostitwit.

MT

 


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/1


IL-PARLAMENT EWROPEW

SESSJONI 2016–2017

Dati tas-seduti: 6-9 ta’ Ġunju 2016

Il-Minuti ta' din is-sessjoni ġew ippubblikati fil-ĠU C 225, 13.7.2017.

TESTI ADOTTATI

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Parlament Ewropew

It-Tlieta 7 ta’ Ġunju 2016

6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/2


P8_TA(2016)0246

Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (2015/2317(INI))

(2018/C 086/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jsostni mill-ġdid li l-Unjoni għandha tqis l-objettiv tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politiki li x'aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jiddikjara li l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha, u li tipprova tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-istat ta' dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali.

wara li kkunsidra l-paragrafi 9 u 35 tad-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2005 bit-titolu “Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp” (1),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet suċċessivi tal-Kunsill, ir-rapporti biennali tal-Kummissjoni u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament assoċjati mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport 2011 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (2),

wara li kkunsidra l-ħames rapport biennali tal-Kummissjoni dwar il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, partikolarment id-Dokument ta' Ħidma tagħha dwar il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp, ippubblikat f'Awwissu 2015 (SWD(2015)0159),

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata waqt is-Summit dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU fi New York fl-2015 (3), li jinkludi mira li “tissaħħaħ il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli” (il-mira 17.14),

wara li kkunsidra d-dokument ta' eżitu tar-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna ta' Diċembru 2011 dwar Sħubija għall-Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8–0165/2016),

A.

billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħames rapport biennali tal-KE dwar il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, adottat f'Ottubru 2015, enfasizzaw li l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp ser tkun parti importanti mill-kontribut tal-UE lejn il-kisba tal-għan usa' tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli;

B.

billi l-adozzjoni ta' Aġenda ta' Żvilupp Sostenibbli għall-2030 tippreżenta sfida ġdida għall-kisba tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, peress li tistabbilixxi sett uniku u universali ta' għanijiet ta' żvilupp applikabbli għal kulħadd;

C.

billi l-UE trid tkun ta' eżempju fil-promozzjoni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp;

D.

billi 1,5 biljun persuna għadhom jgħixu fil-faqar bi privazzjoni fil-qasam tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-istandards tal-għajxien; billi l-maġġoranza ta' dawn huma nisa;

E.

billi l-ispazju fiskali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa mrażżan de facto mir-rekwiżiti tal-investituri globali u mis-swieq finanzjarji; billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed joffru bosta inċentivi u eżenzjonijiet fiskali biex jattiraw jew iżommu lill-investituri, u dawn qed iwasslu għal kompetizzjoni fiskali dannuża u għal “ġirja lejn l-aktar livell baxx”;

F.

billi l-UE għandha responsabilità diretta u storika fin-negozjati tagħha mal-pajjiżi sħab;

G.

billi l-qafas Ewropew attwali tal-iżvilupp huwa nieqes minn mekkaniżmi effettivi biex jevitaw u jirremedjaw l-inkoerenzi li jirriżultaw mill-politiki mmexxija mill-Unjoni;

Il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp fil-qafas tal-Aġenda 2030

1.

Itenni li l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp hija element prinċipali biex titwettaq u tinkiseb l-aġenda l-ġdida tal-iżvilupp sostenibbli; jitlob li tittieħed azzjoni proattiva bbażata fuq fehim komuni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp; jindika li l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għandu jwassal għal fehim aktar profond tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, billi jekk ma jiġux indirizzati l-ostakli għall-kisba tad-drittijiet ma jista' jkun hemm l-ebda progress lejn l-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar; huwa tal-fehma li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għandha tikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-istat tad-dritt, għal istituzzjonijiet imparzjali u biex tiġi ttrattata l-isfida ta' governanza tajba fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

2.

Jiddispjaċih li, għalkemm il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp kienet approvata fid-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU (4), it-Trattat ta' Lisbona u l-Forum ta' Busan dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna (5), ftit li xejn sar progress dwar l-implimentazzjoni konkreta tagħha;

3.

Jitlob li fl-UE jsir dibattitu dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-qafas tal-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli universali u indiviżibbli tagħha, sabiex nifhmu aħjar kif il-kunċett jista' jaqbel mal-kunċett aktar universali tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli;

4.

Ifakkar li l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli japplikaw kemm għall-pajjiżi żviluppati kif ukoll għal dawk li qed jiżviluppaw u li l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għandhom jiġu integrati b'mod komprensiv fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE kemm fil-livell intern kif ukoll fil-livell estern; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati proċessi ta' governanza li jippromwovu l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-livell globali, u jitlob li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tiddaħħal bħala kwistjoni ewlenija fid-dibattiti tal-UE dwar il-politiki li jmiss dwar l-Istrateġija Globali l-ġdida u l-QFP;

Il-mekkaniżmi ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp

5.

Jitlob li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tiġi diskussa fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew sabiex jitrawwem dibattitu interistituzzjonali li jinvolvi lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Kunsill, u lill-Parlament, kif ukoll dibattitu fil-livell nazzjonali;

6.

Jipproponi li, bi tħejjija għal dak is-summit, il-Kummissjoni u s-SEAE jindirizzaw rakkomandazzjonijiet konkreti lill-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE dwar mekkaniżmi effettivi ta' operazzjonalizzazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u ta' integrazzjoni tal-istrateġiji tal-UE sabiex jiġu implimentati aħjar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u dwar kif għandhom jiġu definiti b'mod aktar ċar ir-responsabilitajiet ta' kull istituzzjoni tal-UE biex jintlaħqu l-impenji tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jemmen li dan il-proċess għandu jkun trasparenti u inklużiv kemm jista' jkun, billi jinvolvi lill-gvernijiet lokali u reġjonali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lil gruppi ta' riflessjoni;

7.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' grupp ta' Kummissarji involuti fir-relazzjonijiet esterni; jitlob li jsir rappurtar regolari dwar il-ħidma ta' dan il-grupp mill-VP/RGħ lill-Kumitat għall-Iżvilupp;

8.

Iqis li l-mekkaniżmi ntużaw minn xi delegazzjonijiet tal-UE biex jipprovdu feedback lill-Kummissjoni dwar ir-Rapport għall-2015 tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għandhom jiġu estiżi għad-delegazzjonijiet kollha tal-UE, u li dan għandu jsir eżerċizzju annwali; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tkun fl-aġenda tal-laqgħat bilaterali u laqgħat tal-assemblej konġunti rispettivi, kif ukoll tal-laqgħa annwali tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE fi Brussell;

9.

Jilqa' l-pakkett ta' Regolamentazzjoni Aħjar, li ġie adottat mill-Kummissjoni fid-19 ta' Mejju 2015; jilqa' wkoll il-fatt li l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp tissemma b'mod speċifiku bħala rekwiżit legali fl-Istrument 30 tal-Linji Gida għal Regolamentazzjoni Aħjar (COM(2015)0215);

10.

Jiddispjaċih mill-fatt li għalkemm il-valutazzjonijiet tal-impatt jirrappreżentaw għodda importanti għall-kisba tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, il-valutazzjonijiet ta' impatti tal-iżvilupp għadhom ftit u ma jindirizzawx kif jixraq l-impatt potenzjali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jittama li l-Pakkett ta' Regolamentazzjoni Aħjar u l-Linji Gwida tiegħu se jtejbu din is-sitwazzjoni billi jqisu l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha u billi jsaħħu t-trasparenza; Jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta b'mod sistematiku lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fi stadju bikri tal-proċess tat-tfassil tal-politiki u biex idaħħal fis-seħħ salvagwardji u mekkaniżmi aktar b'saħħithom sabiex jinħoloq bilanċ aħjar tar-rappreżentanza tal-partijiet ikkonċernati; jilqa' l-konsultazzjoni pubblika dwar il-pjan direzzjonali, li toffri opportunitajiet għall-partijiet ikkonċernati esterni, inklużi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u s-soċjetà ċivili, biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom u jipparteċipaw b'mod attiv; jemmen li jeħtieġ li jsiru valutazzjonijiet ex-post aktar sistematiċi matul l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE;

11.

Jemmen li għandu jkun hemm enfasi akbar fuq koordinazzjoni istituzzjonali, sew jekk hi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mal-Istati Membri; Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri jintegraw il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp f'att legalment vinkolanti u jiddefinixxu pjan ta' azzjoni għal koerenza politika għall-iżvilupp sostenibbli biex joperazzjonalizzawha; iqis li l-parlamenti nazzjonali għandhom jiġu involuti aktar bis-sħiħ fl-aġenda tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, fil-kuntest tal-kapaċità tagħhom li jirresponsabilizzaw lill-gvernijiet tagħhom u jiskrutinizzaw il-progress f'dan il-qasam;

12.

Jenfasizza r-rwol importanti li għandu jkollu l-Parlament fil-proċess tal-promozzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp billi jagħtiha l-prijorità fl-aġendi tiegħu, iżid l-għadd ta' laqgħat bejn il-kumitati u bejn il-parlamenti relatati mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, jippromwovi skambji ta' fehmiet dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp mal-pajjiżi sħab, u jrawwem id-djalogu mas-soċjetà ċivili;

13.

Jinnota li xi Stati Membri stabbilixxew mekkaniżmu effettiv ta' koordinazzjoni interministerjali b'mandat speċifiku dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli; jitlob lill-Istati Membri jsegwu u jiskambjaw l-aħjar prattiki li diġà ġew adottati minn Stati Membri oħra;

14.

Jinnota li l-ipprogrammar konġunt huwa għodda ta' suċċess għall-ippjanar koerenti ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE; jilqa' l-fatt li dan jinkludi l-attivitajiet bilaterali tal-Istati Membri fil-pajjiżi sħab, iżda jiddispjaċih li fil-passat ma rnexxilniex norbtu l-azzjoni tal-UE mal-attivitajiet tal-Istati Membri, u dan wassal għat-telf ta' opportunitajiet għall-isfruttament ta' sinerġiji;

15.

Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni korretta tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp ser tirrikjedi livell adegwat ta' riżorsi u persunal; iħeġġeġ li l-punti fokali tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-ministeri nazzjonali u fid-delegazzjonijiet tal-UE għandhom jingħataw ir-riżorsi meħtieġa biex jistabbilixxu strateġiji nazzjonali u Ewropej dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;

16.

Jenfasizza r-rwol essenzjali li jaqdu l-parlamenti nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli billi jiżguraw l-impenji politiċi, il-monitoraġġ u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jirċievu skrutinju perjodiku, u billi jiskrutinizzaw ir-rapporti dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt mill-gvernijiet;

17.

Ifakkar fil-proposta tiegħu li jkun hemm mekkaniżmu indipendenti fl-Unjoni li jirċievi l-ilmenti mill-persuni jew il-komunitajiet milquta mill-politiki tal-Unjoni; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew u tar-rapporteur permanenti tiegħu għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp biex iwasslu t-tħassib espress mill-membri tal-pubbliku jew mill-komunitajiet milquta mill-politiki tal-UE;

18.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tinvesti aktar riżorsi f'analiżi bbażata fuq l-evidenza dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-inkoerenzi mingħajr dewmien u tipproduċi analiżi tal-ispejjeż tagħhom, kif ukoll biex tiżviluppa mekkaniżmi ta' monitoraġġ u traċċar tal-progress adegwat dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tinkludi fl-analiżi tagħha proposti dwar kif għandhom jiġu evitati u indirizzati l-inkoerenzi bejn il-politiki differenti; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tittejjeb ir-referenza għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fid-dokumenti ta' pprogrammar;

19.

Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-kuntest tar-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp u tad-diskussjonijiet dwar il-futur tal-ftehim ta' wara Cotonou;

L-oqsma prijoritarji

Il-migrazzjoni

20.

Jirrikonoxxi li l-UE qed tiffaċċja l-akbar kriżi tar-refuġjati mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn; jenfasizza li t-tisħiħ tar-rabta bejn il-migrazzjoni u l-politiki ta' żvilupp hi essenzjali biex jiġu indirizzati l-kawżi oriġinali ta' dan il-fenomenu; jemmen li l-UE għandha tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tindirizza l-kriżi, inklużi strumenti ta' sigurtà u dawk diplomatiċi; jenfasizza li r-reazzjoni għall-kriżi tar-refuġjati m'għandhiex tiffoka biss fuq kwistjonijiet ta' sigurtà u li l-objettivi ta' żvilupp għandhom jiġu integrati aħjar sabiex il-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni ssir kompatibbli ma' dawk li jfittxu li jnaqqsu l-faqar; jenfasizza li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tirrappreżenta parti importanti mill-politika l-ġdida tal-UE dwar il-migrazzjoni; jilqa' l-adozzjoni ta' Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2015)0240), li tiżviluppa reazzjoni komprensiva għall-kriżi; jemmen li l-implimentazzjoni tagħha għandha tiġi akkumpanjata minn azzjonijiet konkreti biex tingħata spinta għall-iżvilupp ekonomiku, politiku u soċjali u l-governanza tajba fil-pajjiżi ta' oriġini; jenfasizza l-importanza tar-rimessi bħala sors ta' finanzjament għall-iżvilupp; Jenfasizza l-importanza tal-ftehimiet tal-Istati Membri ma' pajjiżi terzi biex jiġi ffaċilitat il-moviment bla periklu u l-mobilità tal-ħaddiema internazzjonali; iqis li l-programmi u l-baġits ta' għajnuna għall-iżvilupp m'għandhomx jintużaw għal finijiet ta' kontroll tal-migrazzjoni; jenfasizza li kwalunkwe politika ta' migrazzjoni komuni teħtieġ tiffoka fuq rotot legali lejn l-Ewropa u fuq l-akkoljenza tal-migranti;

21.

Jenfasizza li l-UE teħtieġ aktar armonizzazzjoni tal-politiki dwar il-migrazzjoni u l-asil, kemm fl-Unjoni nnifisha kif ukoll mas-sħab internazzjonali tagħha; jissuġġerixxi li politika ta' migrazzjoni u asil tassew effikaċi u olistika għandha tintegra bis-sħiħ il-politiki interni u esterni tal-UE, b'mod partikolari fl-istrutturi ta' ħidma tal-UE; jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata politika unika ta' asil u immigrazzjoni komuni; jitlob li jkun hemm approċċ inklużiv biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni li jkun marbut mill-qrib mal-iżvilupp sabiex tinkiseb soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi attwali tal-migrazzjoni; ifakkar li n-nisa u l-bniet li huma refuġjati jew migranti huma partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza u l-isfruttar sesswali u li l-perspettiva tal-ġeneru għandha tkun integrata fil-politika tal-migrazzjoni tal-UE;

22.

Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex, bil-għan li jsaħħu l-koerenza bejn il-politika ta' migrazzjoni u dik ta' żvilupp, ma jirrappurtawx l-ispejjeż tar-refuġjati bħala għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, għax dan ikollu kost tal-għażla enormi askapitu ta' programmi ta' żvilupp li jindirizzaw b'mod effettiv il-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni;

Il-kummerċ u l-finanzi

23.

Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien għadhom l-akbar donaturi tal-Għajnuna għall-Kummerċ fid-dinja (EUR 11,7 biljun fl-2013 – SWD(2015)0128); jissuġġerixxi li l-għajnuna tal-UE għall-kummerċ trid ukoll timmira li ttejjeb il-pożizzjoni tal-produtturi fqar, il-kooperattivi, l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, tiffaċilita d-diversifikazzjoni tas-swieq domestiċi, ittejjeb l-ugwaljanza tan-nisa, u żżid l-integrazzjoni reġjonali u t-tnaqqis tal-inugwaljanza fl-introjtu; jilqa' l-għan tal-Kummissjoni li tiffoka aktar fuq id-dispożizzjonijiet relatati mal-iżvilupp ta' ftehimiet kummerċjali; ifakkar fl-impenn tal-Istati Membri li jagħmlu sforzi konkreti biex jilħqu l-mira ta' 0,7 % tal-PNG bħala għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll fir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi/Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (OECD/DAC) li tintlaħaq element medju ta' għotja tat-total tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp totali ta' 86 %; jenfasizza li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fid-dinja kollha;

24.

Ifakkar li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ mhuwiex fih innifsu pożittiv għall-qerda tal-faqar, peress li jista' jkollu effetti negattivi fuq l-iżvilupp sostenibbli;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna tal-UE għall-kummerċ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex tagħti dettalji tal-ammonti u s-sorsi tal-finanzjament allokat, kemm fil-Kapitolu 4 tal-baġit tal-UE kif ukoll fil-FEŻ; huwa tal-fehma li tali rapport jipprovdi bażi soda għar-rapporti tal-UE dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, li għandhom jiġu ppubblikati kull sentejn;

26.

Ifakkar li l-mira 17.15 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi rrispettat l-ispazju politiku ta' kull pajjiż għall-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli; itenni d-dritt tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li jirregolaw l-investiment sabiex jiżguraw obbligi u dmirijiet għall-investituri kollha, inklużi l-investituri barranin, bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem, l-impjieg u l-istandards ambjentali;

27.

Jilqa' l-progress li sar minn meta ġie stabbilit il-Patt dwar is-Sostenibilità tal-Bangladexx, u jitlob lill-Kummissjoni tespandi oqfsa vinkolanti biex tkopri setturi oħra; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, testendi r-responsabilità soċjali korporattiva u l-inizjattivi dwar id-diliġenza dovuta li jikkumplimentaw ir-regolament eżistenti tal-UE dwar l-injam jew li jikkonċernaw ir-regolament propost tal-UE dwar il-minerali ta' kunflitt għal setturi oħra, biex b'hekk tiżgura li l-UE u n-negozjanti u l-operaturi tagħha jonoraw l-obbligu li jirrispettaw kemm id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-ogħla standards soċjali u ambjentali;

28.

Ifakkar li l-politika ta' investiment tal-UE, speċjalment fil-każ ta' fondi pubbliċi, trid tikkontribwixxi għat-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; ifakkar fil-bżonn li jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabilità tal-istituzzjonijiet ta' finanzjament tal-iżvilupp sabiex jiġu intraċċati u mmonitorjati b'mod effettiv il-flussi, is-sostenibilità tad-dejn u l-valur miżjud fir-rigward tal-proġetti ta' żvilupp sostenibbli tagħhom;

29.

Ifakkar fir-rwol uniku tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp fil-kisba ta' riżultati effettivi ta' żvilupp; jitlob li jiġu protetti l-fokus fuq l-iżvilupp u n-natura tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, inkluża sistema ta' rappurtar trasparenti u responsabbli; ifakkar li l-għajnuna mhux vinkolanti hija kundizzjoni neċessarja biex jingħataw opportunitajiet lill-atturi soċjoekonomiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħal kumpaniji lokali jew esperti tal-għajnuna teknika, u jirrakkomanda li tingħata spinta lill-użu tas-sistemi ta' akkwist tal-pajjiż li qed jiżviluppaw għall-programmi ta' għajnuna b'appoġġ għal attivitajiet ġestiti mis-settur pubbliku bil-għan li jissaħħaħ is-settur privat lokali;

30.

Ifakkar, madankollu, li l-għajnuna waħidha mhijiex biżżejjed; jemmen li jridu jitqiesu sorsi innovattivi u diversifikati ta' finanzjament, bħal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, taxxa tal-karbonju, imposta fuq il-biljett tal-ajru, kirjiet minn riżorsi naturali, eċċ., u li dawn għandhom jiġu allinjati mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp; jemmen li għandha tissaħħaħ il-koerenza bejn il-finanzjament pubbliku, privat, internazzjonali u dak domestiku; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, ir-rwol essenzjali tas-settur privat; jenfasizza li huwa importanti li jinħolqu l-kundizzjonijiet adegwati għall-intrapriżi privati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jiġi promoss l-istabbiliment ta' oqfsa politiċi u legali li jiffaċilitaw l-użu tal-kontijiet bankarji u l-ħolqien ta' infrastrutturi diġitali;

31.

Jemmen li l-politika kummerċjali tal-UE trid tqis ir-realtajiet u s-sitwazzjoni tal-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, kif ukoll id-dritt tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jistabbilixxu l-istrateġiji ta' żvilupp tagħhom stess; Jenfasizza li ftehimiet kummerċjali u ta' investiment konklużi mill-UE u l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jikkompromettu, direttament jew indirettament, l-objettivi ta' żvilupp jew il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż sħab; ifakkar li l-kummerċ ġust u regolat b'mod xieraq bi qbil mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jista' jkollu l-potenzjal għal żvilupp; jilqa' l-inklużjoni ta' kapitoli dwar il-kummerċ komprensiv u l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment kollha;

32.

Jistieden lill-UE tistabbilixxi qafas adatt biex jiġi indirizzat kif il-korporazzjonijiet jintegraw id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fil-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU sabiex jirresponsabilizzaw lill-kumpaniji għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

33.

Jappoġġja sistema fiskali effiċjenti, ġusta u trasparenti skont il-prinċipji ta' governanza tajba; jilqa' l-pakkett ta' miżuri dwar it-trasparenza tat-taxxa ppreżentat mill-Kummissjoni fit-18 ta' Marzu 2015 u l-Pakkett kontra l-Evitar tat-Taxxa ppreżentat fit-28 ta' Jannar 2016, inkluża l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija esterna biex tiġi promossa governanza fiskali tajba internazzjonalment; jenfasizza l-importanza li titwettaq valutazzjoni tal-impatt u analiżi tal-effetti konsegwenzjali tal-leġiżlazzjoni fiskali l-ġdida tal-UE, sabiex jiġu evitati l-impatti negattivi fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar li l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi permezz tat-tassazzjoni hija l-aktar sors importanti ta' introjtu għall-finanzjament pubbliku tal-iżvilupp sostenibbli; iħeġġeġ lill-UE tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-bini tal-kapaċitajiet fl-oqsma tal-amministrazzjoni tat-taxxa, il-governanza finanzjarja u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, u fil-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illegali; jistieden lill-UE tiżgura li l-korporazzjonijiet iħallsu t-taxxi fil-pajjiżi fejn jiġi estratt jew jinħoloq il-valur minnhom; jenfasizza, għalhekk, ir-responsabilità tal-UE li tippromwovi u toperazzjonalizza globalment il-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-kwistjonijiet dwar it-taxxa; iħeġġeġ lill-UE, f'dan ir-rigward, biex tippermetti l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jipparteċipaw fuq livell indaqs fir-riforma globali tar-regoli internazzjonali eżistenti dwar it-taxxa;

34.

Iqis li l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali għall-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illegali u l-evażjoni tat-taxxa, u jistieden lill-UE tinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet ta' taxxa; jistieden lill-UE tiżgura trattament ġust taċ-ċittadini tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw meta tkun qed tinnegozja trattati dwar it-taxxa skont il-Mudellta' Konvenzjoni dwar it-Tassazzjoni Doppja tan-NU, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni partikolari tagħhom u tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tad-drittijiet tat-tassazzjoni; jilqa' l-impenji li saru waqt il-Konferenza ta' Addis Adaba dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, li saret f'Lulju 2015, bħar-reviżjoni tal-finanzi għall-iżvilupp multilaterali u l-Inizjattiva Fiskali ta' Addis li tfittex li tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jibnu s-sistemi ta' riżorsi domestiċi tagħhom; jistieden lill-UE tagħmel użu sħiħ mill-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, li jinkludi dispożizzjoni fakultattiva għall-assistenza fil-ġbir tat-taxxa;

35.

Jitlob li ssir valutazzjoni tal-impatt tas-sussidji tal-prezz fuq l-esportazzjonijiet, it-tariffi u l-ostakli kummerċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

36.

Ifakkar li l-isforzi biex jiġi żgurat l-aċċess għall-materja prima mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jridux jipperikolaw l-iżvilupp lokali u l-qerda tal-faqar, iżda għandhom pjuttost jappoġġjaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex isarrfu l-ġid minerali tagħhom fi żvilupp reali;

Is-sigurtà alimentari

37.

Jenfasizza li l-kisba ta' sigurtà alimentari dinjija se titlob l-introduzzjoni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp fil-livelli kollha, b'mod partikolari jekk għandhom jintlaħqu l-miri aktar ambizzjużi tal-Aġenda 2030, jiġifieri li jinqered il-ġuħ u li jintemmu l-forom kollha ta' nutrizzjoni ħażina; jemmen li l-UE għandha tippromwovi l-istabbiliment ta' oqfsa regolatorji robusti bi kriterji ċari li jipproteġu d-drittijiet u s-sigurtà alimentari tal-persuni vulnerabbli;

38.

Jistieden lill-UE tevalwa sistematikament l-impatt tal-politiki agrikoli, kummerċjali u enerġetiċi tal-UE, fost fatturi oħra – bħall-politiki dwar il-bijofjuwil – fuq is-sigurtà alimentari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fuq l-għajxien tal-persuni l-aktar vulnerabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tikkonċentra fuq il-kooperattivi, l-azjendi agrikoli ta' daqs mikro, żgħir u medju u l-ħaddiema agrikoli, u tippromwovi prattiki sostenibbli u agroekoloġiċi b'konformità mal-konklużjonijiet tal-Għarfien, ix-Xjenzi u t-Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp (IAASTD), ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel, u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; ifakkar fil-ħtieġa li jkun żgurat li l-varar tal-miżuri tal-PAK ma jipperikolax il-kapaċità tal-produzzjoni tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel fuq medda twila ta' żmien tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li kwistjonijiet sostantivi ta' koerenza politika u impatt għandhom jiġu indirizzati fil-monitoraġġ kontinwu tal-qafas ta' politika tal-UE għas-sigurtà alimentari (COM(2010)0127); jenfasizza li l-UE għandha tappoġġja l-istabbiliment tal-industriji tal-ipproċessar fis-settur agrikolu u t-titjib tat-tekniki għall-ħżin tal-ikel; ifakkar fl-importanza li jitqies l-impatt tal-ftehimiet dwar is-sajd fuq is-sigurtà alimentari tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-ħtif tal-art billi jappoġġjaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali tal-Linji Gwida Volontarji tan-NU dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti;

Is-Saħħa

39.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-baġit ta' finanzjament tagħhom jipprijoritizzaw l-istabbiliment ta' sistemi tas-saħħa sodi, il-bini ta' infrastrutturi tas-saħħa sostenibbli u l-provvediment ta' servizzi bażiċi u kura ta' kwalità; jistieden lill-UE tappoġġja l-istabbiliment ta' kopertura universali tas-saħħa li tiggarantixxi l-mutwalizzazzjoni tar-riskji tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

It-tibdil fil-klima

40.

Jitlob li jkun hemm azzjoni determinata mill-UE, l-Istati Membri tagħha u s-sħab kollha internazzjonali biex jimplimentaw il-ftehim reċenti dwar il-klima COP21/Pariġi; jenfasizza li l-UE u pajjiżi żviluppati oħra jridu jkomplu jappoġġjaw azzjonijiet favur l-ambjent biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u tinbena r-reżiljenza għall-impatti tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikolari fil-pajjiżi l-anqas żviluppati; ifakkar fl-importanza kruċjali tal-provvista ta' finanzjament adegwat fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f'dan il-kuntest; jappoġġja l-proċess ta' tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE u l-bidla lejn l-enerġija rinnovabbli f'dan ir-rigward; jisħaq fuq il-fatt li, jekk il-limitazzjoni tat-tisħin globali għal ferm anqas minn 2o C ma tirnexxix, dan jista' jimmina l-kisbiet fil-qasam tal-iżvilupp; jistieden lill-UE tassumi rwol proattiv fl-indirizzar tal-isfida klimatika dinjija billi tistabbilixxi prijoritajiet strateġiċi fil-livelli kollha u fis-setturi kollha, u biex tfassal u timplimenta miri ġodda vinkolanti dwar il-klima, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli b'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;

41.

Jirrikonoxxi li l-finanzjament privat fil-kuntest tal-finanzjament għall-klima ma jistax jissostitwixxi l-finanzjament pubbliku; jenfasizza l-ħtieġa ta' rappurtar u kontabilità trasparenti u li tkun żgurata l-implimentazzjoni tas-salvagwardji rilevanti fil-qasam soċjali u ambjentali fir-rigward tal-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

Il-ġeneru

42.

Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016–2020 tal-UE u jinkoraġġixxi l-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-objettivi tiegħu fl-azzjoni esterna kollha tal-UE, inkluż fi proġetti ffinanzjati mill-UE fil-livell tal-pajjiżi; jistieden ukoll lill-UE tintegra b'mod effettiv il-perspettiva tal-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fil-politiki kollha tagħha, inkluż fil-baġits, u biex tiżgura li l-politiki esterni tagħha jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, inkluż kontra l-persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru;

Is-sigurtà

43.

Jirrikonoxxi li mingħajr sigurtà ma jista' jkun hemm ebda żvilupp sostenibbli jew qerda tal-faqar; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li din ir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp hija element importanti biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-UE;

44.

Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-koerenza tal-politiki u l-koordinament bejn l-azzjoni esterna tal-UE u l-politiki fil-qasam tas-sigurtà, id-difiża, il-kummerċ, l-għajnuna umanitarja, il-migrazzjoni u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jiġbed l-attenzjoni għall-isfida ta' governanza tajba fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinsisti li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għandha tikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-istat tad-dritt u ta' istituzzjonijiet imparzjali, kif ukoll għat-tisħiħ ta' azzjonijiet li jwasslu għad-diżarm u jiżguraw il-kura tas-saħħa pubblika u s-sigurtà alimentari, u politiki relatati li jiżguraw is-sigurtà u l-iżvilupp;

45.

Jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha għal prevenzjoni u reazzjoni bikrija f'każ ta' kriżijiet biex tqawwi s-sinerġiji bejn il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u strumenti ta' żvilupp, u jsibu bilanċ bejn reazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien għal kriżijiet u strateġiji ta' żvilupp fit-tul; jissuġġerixxi li jinħoloq strument ġdid iddedikat għall-iżvilupp u s-sigurtà li jista' jnaqqas l-inkoerenzi u jżid l-effiċjenza tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jenfasizza li dan l-istrument m'għandux ikun iffinanzjat permezz tal-istrumenti eżistenti għall-iżvilupp, iżda permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda fil-baġit; jitlob li l-prijoritajiet u l-politiki tar-reġjuni u l-pajjiżi kkonċernati jiddaħħlu fit-tħejjija tal-istrateġiji tal-UE għas-sigurtà u l-iżvilupp; jilqa' l-użu tal-Qafas Politiku għal Approċċ għal Kriżijiet bħala għodda importanti biex ikun hemm fehim komuni bikri f'każ ta' kriżijiet; jitlob li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri sabiex issir analiżi komprensiva li tippermetti għażla infurmata bejn l-azzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u dawk mhux tal-PSDK fit-trattament ta' kriżi;

46.

Jemmen li l-Istrateġija għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel (6), kif ukoll il-Forza ta' Azzjoni Rapida Afrikana u l-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali għas-Saħel 2015–2020 (7), huma eżempji tajbin ta' implimentazzjoni b'suċċess tal-approċċ komprensiv tal-UE, li jiġbor flimkien b'mod effettiv ir-reazzjonijiet għas-sigurtà, l-iżvilupp u l-governanza;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jtejbu r-rabtiet bejn l-għajnuna umanitarja, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u r-reżiljenza għad-diżastri sabiex ikun possibbli li jkun hemm reazzjoni aktar flessibbli u effikaċi għall-ħtiġijiet li qed jiżdiedu;

o

o o

48.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2014)0251.

(3)  http://www.un.org/en/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1

(4)  http://www.un.org/millennium/declaration/ares552e.htm

(5)  http://www.oecd.org/development/effectiveness/49650173.pdf

(6)  http://eeas.europa.eu/africa/docs/sahel_strategy_en.pdf

(7)  www.consilium.europa.eu/en/meetings/fac/2015/04/st07823-en15_pdf


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/10


P8_TA(2016)0247

L-Alleanza l-Ġdida għas-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-Alleanza l-Ġdida għas-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni (2015/2277(INI))

(2018/C 086/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument ta' eżitu adottat mill-Assemblea Ġenerali fil-25 ta' Settembru 2015, intitolat “It-Trasformazzjoni tad-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli”, u b'mod partikolari l-Għan 2 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) stipulat fih, jiġifieri l-qerda tal-ġuħ, il-kisba ta' sigurtà alimentari u ta' nutrizzjoni mtejba u l-promozzjoni ta' agrikoltura sostenibbli (1),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi bejn il-Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, adottat fit-12 ta' Diċembru 2015 (2),

wara li kkunsidra l-Programm Komprensiv għall-Iżvilupp tal-Agrikoltura fl-Afrika (CAADP) li ntlaħaq qbil dwaru mill-Unjoni Afrikana (UA) fl-2002 (3),

wara li kkunsidra s-summit tal-Kapijiet tal-Istati tal-UA li sar f'Maputo (il-Mozambique) fl-2003, fejn il-gvernijiet tal-UA qablu li jinvestu aktar minn 10 % tal-allokazzjonijiet baġitarji nazzjonali tagħhom fis-settur tal-agrikoltura (4),

wara li kkunsidra l-assemblea tal-Kapijiet tal-Istati u l-Gvernijiet tal-UA ta' Lulju 2012, li identifikat is-sena 2014 bħala s-“Sena tal-Agrikoltura u s-Sigurtà Alimentari fl-Afrika” (5), biex jiġi ċċelebrat l-għaxar anniversarju mill-adozzjoni tas-CAADP,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar “L-Aċċelerazzjoni tat-Tkabbir Agrikolu u t-Trasformazzjoni għal Prosperità Kondiviża u Għajxien Aħjar”, adottata fis-27 ta' Ġunju 2014 mis-summit tal-Kapijiet tal-Istati tal-UA li sar f'Malabo (il-Guinea Ekwatorjali), u li fiha l-gvernijiet tal-UE reġgħu impenjaw ruħhom li jallokaw mill-inqas 10 % tal-infiq pubbliku għall-agrikoltura (6),

wara li kkunsidra l-Inizjattiva ta' L'Aquila dwar is-Sigurtà Alimentari mnedija mill-G8 fl-2009 (7),

wara li kkunsidra l-Qafas u l-Linji Gwida għall-Politika dwar l-Art fl-Afrika, adottati mill-Konferenza Konġunta tal-Ministri għall-Agrikoltura, l-Art u l-Bhejjem li saret f'April 2009 f'Addis Ababa (l-Etjopja) (8), kif ukoll id-dikjarazzjoni dwar “Il-Problemi u l-Isfidi relatati mal-Art fl-Afrika” (9), adottata mill-Kapijiet tal-Istati tal-UA fis-summit li sar f'Sirte (il-Libja) f'Lulju 2009, fejn ħeġġew biex il-Qafas u l-Linji Gwida msemmija hawn fuq jiġu implimentati b'mod effikaċi,

wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida dwar l-Investimenti f'Art fuq Skala Kbira fl-Afrika, adottati mill-Konferenza Konġunta tal-UA tal-Ministri għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali, is-Sajd u l-Akkwakultura, li ltaqgħet f'Addis Ababa fl-1 u t-2 ta' Mejju 2014 (10),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Mejju 2013 mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Afrikani, “Il-Modernizzazzjoni tal-Agrikoltura Afrikana – Min se jgawdi?” (11),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Djimini tat-13 ta' Marzu 2014 minn organizzazzjonijiet ta' azjendi agrikoli żgħar mill-Afrika tal-Punent (12),

wara li kkunsidra l-“Linji Gwida Volontarji tal-FAO għas-sostenn tar-realizzazzjoni progressiva tad-dritt għal alimentazzjoni adegwata fil-kuntest tas-sigurtà alimentari nazzjonali”, tal-2004 (13),

wara li kkunsidra r-rapport tal-2009 mill-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien, Xjenzi u Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp (IAASTD), “L-agrikoltura f'salib it-toroq” (14),

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 (15),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tal-1979 (16),

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1987 (17),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni tal-2007 (18),

wara li kkunsidra l-Prinċipji u l-Linji Gwida Bażiċi tan-NU dwar l-iżgumbramenti u l-ispostamenti kkawżati mill-iżvilupp tal-2007 (19),

wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2011 (20), kif ukoll il-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali, aġġornati fl-2011 (21),

wara li kkunsidra s-Sħubija ta' Busan tal-2011 favur Kooperazzjoni Effikaċi għall-Iżvilupp (22),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida Volontarji tal-2012 dwar Governanza Responsabbli tad-Dritt għaż-Żamma tal-Art, iż-Żoni tas-Sajd u l-Foresti (23),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti (minn hawn, 'il-Konvenzjoni tal-UPOV') tal-1991 (24),

wara li kkunsidra t-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u Agrikoltura tal-2001 (25),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tal-1992 u l-Protokoll assoċjat ta' Kartaġena dwar il-Bijosikurezza tal-2000 u l-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta' Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom tal-2010 (26),

wara li kkunsidra l-liġi mudell Afrikana dwar il-Bijosikurezza (27),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar leġiżlazzjoni rigward l-art għas-sovranità alimentari, adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Pajjiżi Frankofoni tat-12 ta' Lulju 2012 (28),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar l-impatti soċjali u ambjentali tal-pastoraliżmu għall-pajjiżi AKP, adottata mill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE f'Addis Ababa fis-27 ta' Novembru 2013 (29),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel” (30), adottata fil-31 ta' Marzu 2010, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-qafas politiku adottati fl-10 ta' Mejju 2010 (31),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2013 dwar is-sigurtà tal-ikel u n-nutriment (32),

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar in-Nutrizzjoni ta' Lulju 2014 (33),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel (34),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-approċċ tal-UE fir-rigward tar--reżiljenza u t-tnaqqis tar-riskji ta' diżastri fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: tagħlim mill-kriżi tas-sigurtà tal-ikel (35),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-rwol tad-drittijiet tal-proprjetà, is-sjieda tal-proprjetà u l-ħolqien tal-ġid fil-qerda tal-faqar u t-trawwim ta' żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (36),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar it-Tanzanija, b'mod partikolari l-kwistjoni tal-approprjazzjoni tal-art (37),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konverġenza Globali tat-Taqbid għall-Art u l-Ilma, maħruġa fil-Forum Soċjali Dinji f'Tuneż f'Marzu 2015 (38);

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar l-Expo Milano 2015: Ikel għall-Pjaneta, Enerġija għall-Ħajja (39),

wara li kkunsidra t-Talbiet tas-Soċjetà Ċivili Afrikana għall-Inklużjoni tas-Sovranità Alimentari u d-Dritt għall-Ikel fl-Aġenda tal-Presidenza tal-G7 Ġermaniża f'Ġunju 2015 (40),

wara li kkunsidra l-Karta ta' Milan (41), li ġiet ippreżentata fl-Expo 2015 bit-tema “Ikel għall-Pjaneta, Enerġija għall-Ħajja” u li ġabret aktar minn miljun firma ta' kapijiet ta' stati, gvernijiet u individwi privati, u li tappella lill-assoċjazzjonijiet, l-intrapriżi, l-istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali u l-individwi privati kollha biex jassumu r-responsabilità biex jiżguraw li l-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jgawdu d-dritt tagħhom għall-ikel u tinkludi impenji vinkolanti biex dak id-dritt jiġi ggarantit madwar id-dinja kollha,

wara li kkunsidra l-fatt li l-Kumitat tan-NU dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija hu l-forum adegwat fejn jintlaħaq qbil rigward gwida politika dwar din il-kwistjoni fuq livell internazzjonali u li hu f'dan il-forum li l-partijiet ikkonċernati kollha jistgħu jsemmgħu leħinhom;

wara li kkunsidra l-Patt ta' Milan dwar il-Politika Alimentari Urbana tal-15 ta' Ottubru 2015 (42) li tressaq mill-Kunsill tal-Belt ta' Milan u ġie ffirmat minn 113-il belt madwar id-dinja, u li ġie ppreżentat lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, u li jixhed ir-rwol kruċjali li jiżvolġu l-bliet fit-tfassil tal-politiki alimentari,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja (43),

wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ pubbliku dwar l-Alleanza l-Ġdida għas-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni organizzata mill-Kumitat għall-Iżvilupp tiegħu fl-1 ta' Diċembru 2015 (44),

wara li kkunsidra l-istudju “L-Alleanza l-Ġdida għas-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni fl-Afrika” tal-Professur Olivier de Schutter, ikkummissjonat mill-Kumitat għall-Iżvilupp tiegħu u ppubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni tiegħu f'Novembru 2015 (45),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0169/2016),

A.

billi l-Alleanza l-Ġdida għas-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni fl-Afrika (minn hawn, 'l-Alleanza') għandha l-għan li ttejjeb is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni billi tgħin lil 50 miljun ruħ fl-Afrika sub-Saħarjana joħorġu mill-faqar sal-2020; billi l-pajjiżi parteċipanti nnegozjaw Oqfsa ta' Kooperazzjoni għall-Pajjiżi li jistabbilixxu l-impenji biex jiffaċilitaw l-investiment privat fis-settur agrikolu fl-Afrika;

B.

billi l-investiment fil-biedja fuq skala żgħira ġie ttraskurat matul dawn l-aħħar tletin sena fl-Afrika, filwaqt li d-dipendenza tal-pajjiżi b'introjtu baxx fuq l-importazzjonijiet tal-ikel żdiedet b'mod sinifikanti, biex b'hekk saru vulnerabbli għall-varjazzjonijiet fil-prezzijiet fuq is-swieq internazzjonali;

C.

billi hemm ir-riskju li s-sħubijiet pubbliċi-privati kbar joħolqu pożizzjonijiet dominanti għall-kumpaniji agrikoli kbar fl-agrikoltura Afrikana li joħonqu lin-negozji lokali;

D.

billi l-investiment privat taħt l-Alleanza laħaq aktar minn 8,2 miljun operaturi agrikoli żgħar u ħoloq aktar minn 21 000 impjieg, li aktar minn nofshom huma għan-nisa;

E.

billi l-kriżi alimentari tal-2008 ġġenerat ir-rikonoxximent universali tal-ħtieġa li jingħata appoġġ lill-produzzjoni alimentari minn operaturi agrikoli żgħar għas-swieq domestiċi;

F.

billi t-tnedija tal-programmi ta' aġġustament strutturali fil-bidu tas-snin tmenin ikkontribwiet għall-iżvilupp ta' agrikoltura mmexxija mill-esportazzjoni fejn il-prijorità ngħatat biex tiżdied il-produzzjoni ta' wċuħ tar-raba' għall-bejgħ fis-swieq globali; billi din l-għażla ffavorixxiet forom ta' produzzjoni fuq skala kbira, b'kapitalizzazzjoni għolja u mekkanizzata, filwaqt li, kumparattivament, il-biedja fuq skala żgħira ġiet ittraskurata;

G.

billi s-swieq internazzjonali se jkunu aktar volatili fil-ġejjieni; billi l-pajjiżi m'għandhomx jieħdu r-riskju li jkunu jiddependu wisq fuq l-importazzjonijiet, iżda għandhom, minflok, jinvestu prinċipalment fil-produzzjoni alimentari domestika biex jibnu r-reżiljenza;

H.

billi jeħtieġ li l-bdiewa familjari u l-operaturi agrikoli żgħar ikunu fil-qalba tal-Alleanza;

I.

billi s-sigurtà alimentari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-biċċa l-kbira tiddependi fuq l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali;

J.

billi l-hekk imsejħa “poli ta' tkabbir” għandhom l-għan li jattiraw lill-investituri internazzjonali billi jqiegħdu l-art għad-dispożizzjonijiet tal-kumpaniji privati kbar, u billi dan ma jistax isir għad-detriment tal-biedja familjari;

K.

billi l-ftehimiet dwar l-Alleanza ma jinkludu l-ebda indikatur konkret dwar il-ġuħ u l-malnutrizzjoni;

L.

billi l-bdiewa familjari u l-operaturi agrikoli żgħar urew il-kapaċità tagħhom li jipprovdu prodotti diversifikati u jżidu l-produzzjoni alimentari b'mod sostenibbli permezz ta' prattiki agroekoloġiċi;

M.

billi l-monokulturi jżidu d-dipendenza fuq il-fertilizzanti u l-pestiċidi kimiċi, iwasslu għal degradazzjoni enormi tal-art u jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima;

N.

billi l-agrikoltura tirrapreżenta mill-inqas 14 % tal-emissjonijiet annwali totali tal-gassijiet bl-effett ta' serra, prinċipalment minħabba l-użu ta' fertilizzanti nitroġenati;

O.

billi jeżistu forom differenti tad-dritt għaż-żamma ta' art (konswetudinarju, pubbliku u privat), iżda l-Alleanza tirreferi kważi esklużivament għall-għoti ta' titoli għal art biex tindirizza d-drittijiet għaż-żamma ta' art;

P.

billi, sal-2050, 70 % tal-popolazzjoni dinjija se tkun qed tgħix fil-bliet u se jkun hemm bżonn aktar minn qatt qabel ta' approċċ magħqud fil-livelli lokali u globali lejn in-nutrizzjoni;

Q.

billi l-għoti ta' titoli għal art mhuwiex l-unika garanzija kontra l-esproprjazzjoni tal-art u r-risistemazzjoni;

R.

billi d-dimensjoni tal-ġeneri hi element importanti ħafna tal-investiment fl-agrikoltura fl-Afrika; billi ilha ssir diskriminazzjoni kontra n-nisa rurali fir-rigward tal-aċċess għal firxa ta' riżorsi produttivi, inkluża l-art, il-kreditu, il-fatturi produttivi u s-servizzi;

S.

billi, sa ftit ilu, l-appoġġ ipprovdut għall-agrikoltura kien ikkonċentrat fuq l-uċuħ għall-esportazzjoni ġestiti mill-irġiel, filwaqt li fil-biċċa l-kbira in-nisa tħallew jieħdu ħsieb il-kompitu li jipproduċu l-ikel għall-għajxien tal-familja;

T.

billi l-istima tal-FAO hi li ntilfet madwar 75 % tad-diversità ġenetika tal-pjanti madwar id-dinja; billi l-erożjoni ġenetika fuq skala kbira żżid il-vulnerabilità tagħna għat-tibdil fil-klima u għall-feġġ ta' pesti u mard ġodda;

U.

billi l-kontroll, is-sjieda u l-affordabilità taż-żrieragħ huma essenzjali għar-reżiljenza tal-bdiewa fqar fir-rigward tas-sigurtà alimentari;

V.

billi d-dritt tal-bdiewa li jkattru, jużaw, jiskambjaw u jbiegħu ż-żrieragħ tagħhom stess għandu jiġi protett;

W.

billi t-titjib tal-lakuni fin-nutrizzjoni fl-Afrika hu ċentrali għall-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli; billi nutrizzjoni fqira tirriżulta minn interazzjoni ta' diversi proċessi relatati mal-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, is-sanità u l-iġjene, l-aċċess għar-riżorsi, l-emanċipazzjoni tan-nisa u oħrajn;

X.

billi l-impenji li ttieħdu skont il-Qafas ta' Kooperazzjoni għall-Pajjiżi rigward ir-riformi regolatorji fis-settur taż-żrieragħ għandhom l-għan li jsaħħu d-drittijiet tan-nissiela tal-pjanti askapitu tas-sistemi attwali ta' żrieragħ tal-bdiewa li fil-biċċa l-kbira għadhom jiddependu fuqhom l-ifqar bdiewa;

L-investiment agrikolu fl-Afrika u t-twettiq tal-SDGs

1.

Jinnota li diversi Oqfsa ta' Kooperazzjoni għall-Pajjiżi jiffokaw fuq l-iżvilupp ta' żoni ekonomiċi speċjali bl-għan li jimmassimizzaw l-investimenti permezz ta' inizjattivi li jvarjaw minn infrastruttura stradali jew enerġetika sa reġimi fiskali, doganali, jew li jirregolaw id-dritt għaż-żamma ta' art; jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jittejjeb l-aċċess għall-ilma u tiġi żgurata l-konċentrazzjoni fuqu, li tiġi estiża l-edukazzjoni fil-qasam tan-nutrizzjoni u li jiġu kondiviżi l-istrateġiji tal-aħjar prattiki;

2.

Josserva li l-politiki dwar l-investiment fl-agrikoltura fil-biċċa l-kbira jiffokaw fuq l-akkwisti ta' art fuq skala kbira u fuq l-agrikoltura orjentata lejn l-esportazzjoni li normalment ma jkollhiex x'taqsam mal-ekonomiji lokali; jinnota li l-iżvilupp ta' irrigazzjoni estensiva fiż-żoni ġeografiċi ta' investiment immirat tal-Alleanza jistgħu jnaqqsu d-disponibilità tal-ilma għall-utenti l-oħra, bħall-bdiewa fuq skala żgħira jew il-komunitajiet pastorali; jisħaq fuq il-fatt li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li l-kapaċità tas-sħubijiet pubbliċi privati ta' daqs enormi biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar u s-sigurtà alimentari tiġi vvalutata b'mod kritiku u tittejjeb; jenfasizza li l-politiki dwar l-investiment agrikolu għandhom jiġu kkollegati mal-iżvilupp tal-ekonomija lokali, inklużi l-operaturi agrikoli żgħar u l-biedja familjari, u għandhom jappoġġawh; ifakkar li l-Linji Gwida tal-FAO dwar id-Dritt għaż-Żamma ta' Art jirrakkomandaw li jkun hemm aċċess sigur għall-art sabiex il-familji jkunu jistgħu jipproduċu l-ikel għall-konsum domestiku u jżidu l-introjtu domestiku tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-investiment f'art fuq skala kbira fl-Afrika jiġi bbażat fuq dawn il-linji gwida, b'mod li b'hekk jiġi żgurat l-aċċess għall-art min-naħa tal-operaturi agrikoli żgħar u l-komunitajiet lokali, jiġi promoss l-investiment mill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju lokali u jiġi żgurat li s-sħubijiet pubbliċi-privati jikkontribwixxu għas-sigurtà alimentari u għat-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanza;

3.

Jirrimarka li l-proċess deċiżjonali fil-qafas ta' kooperazzjoni ma involviex lill-partijiet interessati kollha, iżda minflok eskluda, fost l-oħrajn, lill-komunitajiet rurali, lill-ħaddiema agrikoli, lill-bdiewa fuq skala żgħira, lis-sajjieda u lill-popli indiġeni, u injora d-dritt tagħhom li jipparteċipaw;

4.

Jiddeplora l-fatt li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Afrikana ma ġewx ikkonsultati fit-tnedija tal-Alleanza; jisħaq fuq il-fatt li l-parteċipazzjoni tal-gruppi mingħajr sigurtà alimentari fil-politiki li jaffettwawhom għandha ssir il-pedament tal-politiki kollha dwar is-sigurtà alimentari;

5.

Jirrimarka li l-Alleanza impenjat ruħa favur il-promozzjoni ta' tkabbir inklużiv u bbażat fuq l-agrikoltura li jappoġġa l-biedja fuq skala żgħira u jgħin fit-tnaqqis tal-faqar, il-ġuħ u n-nutrizzjoni inadegwata; jisħaq, għal dan l-għan, fuq il-fatt li jeħtieġ li l-Alleanza trażżan sa kemm ikun possibbli l-użu tal-fertilizzanti u l-pestiċidi kimiċi, minħabba l-konsegwenzi tagħhom fuq is-saħħa u fuq l-ambjent għall-komunitajiet lokali, bħat-telf tal-bijodiversità u l-erożjoni tal-ħamrija;

6.

Jikkritika l-preżunzjoni li l-investiment korporattiv fl-agrikoltura awtomatikament itejjeb is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni u jnaqqas il-faqar;

7.

Jinnota r-rapport tal-G20 tal-2011, li saħaq fuq il-fatt li jista' jkun li l-investiment li jsir b'finijiet fiskali jirriżulta tranżitorju; ifakkar li għadd ta' stħarriġ dwar il-motivazzjoni tal-investituri wera li l-inċentivi fiskali speċjali jkollhom impatt newtrali jew negattiv fuq id-deċiżjonijiet biex isir investiment (46);

8.

Jinnota li l-inċentivi fiskali, inkluża l-eżenzjoni mit-taxxa tal-kumpaniji fiż-Żoni Ekonomiċi Speċjali, qegħdin iċaħħdu lill-istati Afrikani mid-dħul fiskali li seta' kien sors ta' investiment pubbliku vitali fl-agrikoltura, speċjalment fil-programmi għas-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni (47);

9.

Jappella lill-gvernijiet u lid-donaturi biex jissospendu jew jeżaminaw mill-ġdid il-politiki, il-proġetti u l-arranġamenti ta' konsulenza kollha li direttament jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw il-ħtif tal-art billi jappoġġaw proġetti u investimenti dannużi ħafna jew li indirettament iżidu l-pressjoni fuq l-art u r-riżorsi naturali u jistgħu jirriżultaw fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jappella biex minflok l-appoġġ jingħata lill-politiki li jipproteġu u jagħtu l-prijorità lill-produtturi tal-ikel fuq skala żgħira, speċjalment dawk nisa, u li jippromwovu l-użu sostenibbli tal-art;

10.

Iwissi biex fl-Afrika ma jiġix irreplikat il-mudell Asjatiku ta' 'Rivoluzzjoni Ħadra' tas-sittinijiet u jiġu injorati l-impatti soċjali u ambjentali negattivi tiegħu; ifakkar li l-SDGs jinkludu l-għan tal-promozzjoni tal-agrikoltura sostenibbli, li għandu jinkiseb sal-2030;

11.

Jinnota bi tħassib li, fil-Malawi, l-Alleanza qed tippromwovi l-espansjoni tal-produzzjoni tat-tabakk minflok ma tappoġġa t-tipi ta' għajxien alternattivi bi qbil mal-obbligi taħt il-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tal-2005 u l-impenji li ttieħdu fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

12.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jagħmlu ħilithom sabiex jittrasformaw l-Alleanza f'għodda ġenwina favur l-iżvilupp sostenibbli u fi strument ta' appoġġ għall-biedja familjari u l-ekonomiji lokali fl-Afrika sub-Saħarjana, filwaqt li jfakkar li l-bdiewa familjari u l-operaturi agrikoli żgħar jipproduċu madwar 80 % tal-ikel tad-dinja u jipprovdu 'l fuq minn 60 % tal-impjiegi fir-reġjun;

13.

Jinnota bi tħassib li l-Oqfsa ta' Kooperazzjoni għall-Pajjiżi jirreferu biss b'mod selettiv għall-istandards internazzjonali li jiddefinixxu l-investiment responsabbli fl-agrikoltura, u li la jirreferu għal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO tal-2004 għas-sostenn tar-realizzazzjoni progressiva tad-dritt għal alimentazzjoni adegwata fil-kuntest tas-sigurtà alimentari nazzjonali u lanqas għal kwalunkwe dmir min-naħa tal-investituri privati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem;

14.

Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, li meqjusa flimkien huma l-akbar donatur ta' għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja, biex:

jiżguraw li l-investituri bbażati fl-UE jirrispettaw, u jinkoraġġixxu lis-sħab l-oħra fl-alleanza biex jirrispettaw id-drittijiet tal-komunitajiet lokali u l-ħtiġijiet tal-azjendi agrikoli żgħar, billi jsegwu approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fi ħdan l-oqfsa ta' kooperazzjoni, inkluż il-ħarsien tas-salvagwardji ambjentali, soċjali, tal-art, tax-xogħol u tad-drittijiet tal-bniedem, u l-ogħla standards ta' trasparenza tul il-pjanijiet ta' investiment tagħhom;

jiżguraw li investituri bbażati fl-UE jimplimentaw politika ta' responsabilità soċjali meta jkunu qed ifasslu l-kuntratti ta' impjieg u ma jisfruttawx il-vantaġġ ekonomiku tagħhom fuq il-ħaddiema mill-komunitajiet lokali;

jappoġġaw u jsostnu lill-intrapriżi u l-partijiet interessati lokali Afrikani bħala atturi ewlenin u bħala benefiċjarji tal-inizjattivi tal-Alleanza;

jimplimentaw id-deċiżjoni riċenti tad-WTO biex jiġu eliminati s-sussidji fuq l-esportazzjoni agrikola li qed joħolqu distorsjoni tas-swieq lokali u jeqirdu l-għajxien fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

jeliminaw l-ostakli tariffarji li jaġixxu bħala diżinċentiv biex il-pajjiżi Afrikani jżidu l-valur tal-prodott mhux maħdum fil-livell lokali;

15.

Jappella lill-pajjiżi parteċipanti biex:

jiżguraw li r-riformi finanzjarji, fiskali jew amministrattivi ma jeżentawx lill-investituri milli jagħmlu kontribut ġust għall-bażi tat-taxxa tal-pajjiżi parteċipanti jew ma jagħtux vantaġġ inġust lill-investituri askapitu tal-operaturi agrikoli żgħar;

jiżguraw li l-gvernijiet rispettivi tagħhom iżommu d-dritt li jipproteġu s-swieq agrikoli u alimentari tagħhom permezz ta' reġimi tariffarji u fiskali xierqa, li huma ta' bżonn partikolari biex tiġi indirizzata l-ispekulazzjoni finanzjarja u l-evitar tat-taxxa;

jadottaw politiki li jippromwovu l-kummerċ responsabbli u jimpenjaw ruħhom biex jeliminaw l-ostakli tariffarji li jiskoraġġixxu l-kummerċ reġjonali;

Governanza, sjieda u responsabilità

16.

Jiġbed l-attenzjoni għall-impenn li ttieħed mill-partijiet għall-Alleanza sabiex jinkorporaw il-“Linji Gwida Volontarji tal-FAO għas-sostenn tar-realizzazzjoni progressiva tad-dritt għal alimentazzjoni adegwata fil-kuntest tas-sigurtà alimentari nazzjonali”, u jappella lill-partijiet kollha għall-Alleanza biex jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw l-istandards internazzjonali li jiddefinixxu l-investiment responsabbli fl-agrikoltura u li jimxu mal-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali;

17.

Jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li l-Alleanza tintensifika l-governanza tajba fir-rigward tar-riżorsi naturali, b'mod partikolari billi tiggarantixxi li n-nies ikollhom aċċess għar-riżorsi proprji tagħhom u billi tħarsilhom drittijiethom fil-kuntest tal-kuntratti dwar it-tranżazzjonijiet relatati mar-riżorsi naturali;

18.

Jappella lill-UE biex taħdem man-NU sabiex il-pajjiżi kollha jadottaw, fuq bażi vinkolanti, il-Karta ta' Milan u l-impenji li tinkludi;

19.

Jenfasizza kemm huma importanti r-regolamentazzjoni tal-ilma u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għall-agrikoltura sostenibbli; jappella lis-sħab kollha fl-Alleanza biex jiffokaw fuq it-titjib tal-aċċess għall-ilma u għal tekniki li jinvolvu l-irrigazzjoni u jintensifikaw il-protezzjoni ambjentali u l-konservazzjoni tal-ħamrija;

20.

Jappella lill-UE biex taħdem man-NU favur l-adozzjoni u d-disseminazzjoni tal-Patt ta' Milan dwar il-Politika Alimentari Urbana;

21.

Jappella lill-pajjiżi parteċipanti biex jimpenjaw ruħhom favur l-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali li jirregolaw l-investiment permezz ta' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, waqt li jinkorporaw il-Qafas u l-Linji Gwida tal-UA għall-Politika dwar l-Art fl-Afrika u l-Prinċipji Gwida dwar l-Investimenti f'Art fuq Skala Kbira fl-Afrika;

22.

Jappella biex jiġu ppubblikati kompletament l-ittri ta' intenzjoni kollha fl-Oqfsa ta' Kooperazzjoni għall-Pajjiżi; jisħaq fuq il-ħtieġa għal oqfsa istituzzjonali u ġuridiċi b'saħħithom sabiex tiġi żgurata kondiviżjoni ġusta tar-riskji u l-benefiċċji; jenfasizza li hu kruċjali li jkun hemm parteċipazzjoni attiva min-naħa tas-soċjetà ċivili fi ħdan l-Alleanza b'mod li tiġi intensifikata t-trasparenza u jiġi żgurat li l-għanijiet tagħha jkunu qed jintlaħqu; jirrimarka li jeħtieġ li jitħeġġu d-djalogu u l-konsultazzjoni mal-gruppi kollha tas-soċjetà ċivili;

23.

Jiddispjaċih li l-uniku indikatur komuni għall-għaxar oqfsa ta' kooperazzjoni fl-Alleanza huwa l-indiċi “Doing Business” tal-Bank Dinji;

24.

Jisħaq fuq il-fatt li l-kumpaniji privati involuti f'inizjattivi ta' żvilupp multilaterali għandhom ikunu responsabbli għal għemilhom; jappella lill-partijiet għall-Alleanza biex, għal dan l-iskop, jissottomettu rapporti annwali dwar l-azzjoni meħuda fil-kuntest tal-Alleanza u biex jippubblikaw dawk ir-rapporti u jagħmluhom aċċessibbli għan-nies u l-komunitajiet lokali, u biex jistabbilixxu mekkaniżmu ta' responsabilità indipendenti, li jkun jinkludi mekkaniżmu ta' appell għall-persuni u l-komunitajiet lokali; jisħaq bl-istess mod li jeħtieġ li l-investiment mill-Alleanza li jaffettwa d-drittijiet għal art ikun soġġett għal studju indipendenti minn qabel tal-impatt fuq id-drittijiet għal art u jkun konformi mal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar Governanza Responsabbli tad-Dritt għaż-Żamma tal-Art, iż-Żoni tas-Sajd u l-Foresti;

25.

Jinnota li l-kumpaniji multinazzjonali li joperaw fi ħdan l-Alleanza jiffavorixxu biedja kuntrattwali fuq skala kbira, u li hemm ir-riskju li, minħabba f'hekk, il-produtturi fuq skala żgħira jiġu emarġinati; jappella lill-għaxar stati Afrikani li qed jipparteċipaw fl-Alleanza biex jiżguraw li l-biedja kuntrattwali tkun ta' benefiċċju kemm għax-xerrejja u kemm għall-fornituri lokali; iqis għal dan l-għan li hu kruċjali li jissaħħu, pereżempju, l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa sabiex tittejjeb il-pożizzjoni negozjattiva tal-bdiewa;

26.

Jevidenzja li s-settur privat diġà qed jiġġenera 90 % tal-impjiegi fil-pajjiżi sħab u li l-potenzjal għall-parteċipazzjoni mis-settur privat ma jistax jiġi miċħud, peress li l-kumpaniji privati qegħdin fil-pożizzjoni ideali biex jipprovdu bażi sostenibbli għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi, li tifforma l-bażi ta' kwalunkwe programm ta' għajnuna; jissottolinja l-importanza ta' qafas regolatorju trasparenti li jistabbilixxi b'mod ċar id-drittijiet u l-obbligi tal-atturi kollha, inklużi dawk tal-bdiewa fqar u l-gruppi vulnerabbli, peress li mingħajr qafas ta' dan it-tip, dawn id-drittijiet ma jistgħux jiġu protetti b'suċċess;

27.

Jappella biex l-Oqfsa ta' Kooperazzjoni għall-Pajjiżi jiġu riveduti sabiex jindirizzaw b'mod effikaċi r-riskji tal-biedja kuntrattwali u l-iskemi ta' sħubija kuntrattwali bejn il-kultivaturi u x-xerrejja (out-grower schemes) għall-produtturi fuq skala żgħira billi jiżguraw dispożizzjonijiet kuntrattwali ġusti, inklużi arranġamenti ta' prezzar, rispett għad-drittijiet tan-nisa, appoġġ għall-agrikoltura sostenibbli u mekkaniżmi adattati għar-riżoluzzjoni tat-tilwim;

L-aċċess għall-art u s-sigurtà tad-dritt għaż-żamma tagħha

28.

Iwissi li, jekk l-attenzjoni tiġi ffukata biss fuq l-għoti ta' titoli għal art, spiss twassal għal nuqqas ta' sigurtà għall-produtturi tal-ikel fuq skala żgħira u għall-popli indiġeni, b'mod speċjali n-nisa, li m'għandhomx rikonoxximent legali tad-drittijiet tagħhom għal art u huma vulnerabbli għal tranżazzjonijiet inġusti rigward art, esproprjazzjoni mingħajr kunsens jew nuqqas ta' kumpens ġust;

29.

Jissottolinja l-ħtieġa li, fil-pożizzjonijiet ewlenin, ikun hemm produtturi tal-ikel fuq skala żgħira, b'mod li l-organizzazzjonijiet indipendenti tagħhom stess ikunu jistgħu jappoġġawhom fil-kontroll tal-art, ir-riżorsi naturali u l-programmi tagħhom;

30.

Jinnota bi tħassib li l-investituri u l-elit lokali involuti fi tranżazzjonijiet ta' art spiss jiddeskrivu l-inħawi li qed jimmiraw għalihom bħala “battala”, “fiergħa” jew “sottoutilizzati”, però ma tantx hemm art fl-Afrika li hi verament fiergħa, minħabba, pereżempju, il-prevalenza ta' attivitajiet pastorali;

31.

Jevidenzja l-fatt li 1,2 biljun persuna jew għadhom qed jgħixu mingħajr aċċess permanenti għal art jew inkella qegħdin jokkupaw proprjetà li għaliha m'għandhom l-ebda pretensjoni formali, mingħajr titoli legali, mingħajr perizji ta' delimitazzjoni għal artijiethom u mingħajr il-mezzi ġuridiċi jew finanzjarji biex jikkonvertu l-proprjetà f'kapital;

32.

Jilqa' l-inklużjoni tal-Linji Gwida Volontarji tal-2012 dwar Governanza Responsabbli tad-Dritt għaż-Żamma tal-Art, iż-Żoni tas-Sajd u l-Foresti fl-Oqfsa ta' Kooperazzjoni għall-Pajjiżi kollha; jappella biex ikun hemm implimentazzjoni effikaċi u valutazzjoni sistematika tal-konformità ma' dawn il-Linji Gwida Volontarji fil-proċess ta' rieżami għall-Oqfsa ta' Kooperazzjoni għall-Pajjiżi;

33.

Jisħaq fuq il-fatt li l-Alleanza għandha tiffoka fuq il-ġlieda kontra l-ħtif tal-art, li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem peress li jċaħħad lill-komunitajiet lokali mill-art li fuqha jiddependu biex jipproduċu l-ikel u jitimgħu lill-familji tagħhom; jirrimarka li, f'għadd ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-ħtif tal-art ċaħħad lin-nies minn ħidmiethom u l-mezzi ta' għajxien tagħhom, u ġegħilhom jitilqu minn djarhom;

34.

Jappella lill-pajjiżi parteċipanti biex:

jiżguraw arranġamenti parteċipatorji u inklużivi li jipprijoritizzaw id-drittijiet, il-ħtiġijiet u l-interessi tad-detenturi leġittimi ta' drittijiet għal art, b'mod partikolari l-operaturi agrikoli żgħar u l-bdiewa familjari żgħar; jiżguraw, b'mod partikolari, li jinkiseb il-kunsens liberu, minn qabel u informat minn kwalunkwe komunità/mill-komunitajiet kollha li jgħixu fuq art li s-sjieda tagħha u/jew il-kontroll fuqha jkunu qed jiġu ttrasferiti;

jadottaw miżuri nazzjonali vinkolanti kontra l-ħtif tal-art, il-korruzzjoni bbażata fuq it-trasferiment tal-art u l-użu tal-art għal investiment spekulattiv;

jissorveljaw l-għoti ta' titoli għal art u l-iskemi ta' ċertifikazzjoni sabiex jiżguraw li jkunu trasparenti u li ma jikkonċentrawx is-sjieda tal-art jew iċaħħdu lill-komunitajiet mir-riżorsi li jiddependu fuqhom;

jiżguraw li l-assistenza finanzjarja ma tintużax biex tappoġġa inizjattivi li jippermettu li l-kumpaniji jispostaw lill-komunitajiet lokali;

jirrikonoxxu d-drittijiet leġittimi kollha għall-art u jiżguraw iċ-ċertezza legali fuq id-drittijiet għal art, inklużi d-drittijiet informali, indiġeni u konswetudinarji għaż-żamma ta' art; kif jirrakkomandaw il-Linji Gwida Volontarji tal-2012 tal-FAO, jippromwovu liġijiet ġodda u/jew jinforzaw b'mod effikaċi l-liġijiet eżistenti li jqiegħdu salvagwardji effikaċi fuq it-tranżazzjonijiet ta' art fuq skala kbira, bħal pereżempju limiti massimi fuq it-tranżazzjonijiet ta' art permissibbli, u jirregolamentaw il-bażi li fuqha t-trasferimenti li jaqbżu ċerta skala għandhom jiġu approvati mill-parlamenti nazzjonali;

jiżguraw li l-prinċipju ta' kunsens liberu, minn qabel u informat jiġi osservat għall-komunitajiet kollha milquta mill-ħtif tal-art u li jsiru konsultazzjonijiet biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali tal-gruppi tal-komunità lokali kollha, b'mod partikolari dawk li huma l-aktar vulnerabbli u emarġinati;

35.

Ifakkar ukoll li d-drittijiet tal-utenti derivati mid-dritt konswetudinarju għaż-żamma ta' art għandhom jiġu rikonoxxuti u protetti minn sistema ġuridika bi qbil mad-dispożizzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli;

36.

Jappella biex l-Alleanza tiġi soġġetta għal studju tal-impatt ex ante fir-rigward tad-drittijiet għal art u tkun tiddependi fuq il-kunsens liberu, minn qabel u informat min-naħa tan-nies lokali milquta;

37.

Jappoġġa mekkaniżmu ta' monitoraġġ robust u innovattiv fi ħdan il-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija; jappella lill-UE biex tibni pożizzjoni qawwija, b'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod li tikkontribwixxi għall-avveniment ta' monitoraġġ globali matul it-43 sessjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija li se ssir f'Ottubru 2016, b'mod li tiżgura valutazzjoni komprensiva u eżawrjenti tal-użu u l-applikazzjoni tal-Linji Gwida dwar id-Dritt għaż-Żamma ta' Art;

38.

Jappella lill-gvernijiet tal-pajjiżi kkonċernati biex jiżguraw li d-ditti janalizzaw bir-reqqa l-impatt tal-attivitajiet tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem (id-diliġenza dovuta) billi jwettqu u jippubblikaw valutazzjonijiet indipendenti minn qabel tal-impatt tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem, soċjali u ambjentali, u billi jtejbu u jiżguraw l-aċċess għal proċessi dwar l-ilmenti domestiċi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jkunu indipendenti, trasparenti, affidabbli u li jistgħu jiġu appellati;

39.

Jappella lill-partijiet kollha għall-Alleanza biex jimplimentaw mekkaniżmi indipendenti ta' rikors għal dawk il-komunitajiet li arthom tkun ġiet esproprjata bħala riżultat ta' proġetti ta' investiment fuq skala kbira;

40.

Ifakkar li l-ġlieda kontra l-malnutrizzjoni tirrikjedi kollegament mill-qrib tas-setturi tal-agrikoltura, l-ikel u s-saħħa pubblika;

Is-sigurtà alimentari, in-nutrizzjoni u l-biedja familjari sostenibbli

41.

Ifakkar fil-ħtieġa li jsir kull sforz possibbli biex ikun hemm titjib fin-nutrizzjoni u s-sigurtà alimentari u biex jiġi miġġieled il-ġuħ, kif inhu stabbilit fl-SDG 2; jinsisti biex jingħata appoġġ aħjar għall-awtonomizzazzjoni tal-kooperattivi tal-bdiewa, li huma kruċjali għall-iżvilupp agrikolu u s-sigurtà alimentari;

42.

Jinnota li l-istabilità tkun ogħla u l-emigrazzjoni tkun aktar baxxa fejn ikun hemm sigurtà alimentari bbażata fuq tipi ħajjin u f'saħħithom ta' ħamrija u fuq agroekosistemi produttivi li jkunu reżiljenti għat-tibdil fil-klima;

43.

Jenfasizza li hu essenzjali li jkun hemm nutrizzjoni ta' kwalità għolja u bilanċjata, u jafferma li n-nutrizzjoni għandha tkun fil-qalba tal-bini (mill-ġdid) tas-sistemi alimentari;

44.

Jappella, għalhekk, għal mezzi biex id-dipendenza żejda fuq l-ikel importat tiġi sostitwita bi produzzjoni alimentari domestika reżiljenti, filwaqt li tingħata prijorità lill-uċuħ lokali li jissodisfaw ir-rekwiżiti nutrittivi; jinnota li dan qed isir dejjem aktar importanti hekk kif il-klimi u s-swieq qegħdin isiru dejjem aktar volatili;

45.

Ifakkar li l-konsum tal-enerġija waħdu ma jistax jintuża biex jindika l-istatus nutrittiv;

46.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġiji biex tiġi minimizzata l-ħela tal-ikel tul il-katina alimentari;

47.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li titħares il-bijodiversità agrikola; jappella lill-Istati Membri tal-UE biex jinvestu fi prattiki ta' biedja agroekoloġika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bi qbil mal-konklużjonijiet tal-IAASTD, mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapporteur speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel u mal-SDGs;

48.

Jappoġġa l-iżvilupp ta' politiki li jwasslu għal biedja familjari sostenibbli u l-inkoraġġiment għall-gvernijiet biex jistabbilixxu ambjent propizju (politiki favorevoli, leġiżlazzjoni adegwata, ippjanar parteċipatorju għal djalogu politiku, investimenti) għall-iżvilupp tal-biedja familjari;

49.

Jappella lill-gvernijiet Afrikani biex:

jinvestu fis-sistemi alimentari lokali biex jagħtu spinta lill-ekonomiji rurali u jiżguraw impjiegi deċenti, xbieki ta' sikurezza soċjali ekwi u drittijiet lavorattivi, biex itejbu l-arranġamenti għall-iskrutinju demokratiku fuq l-aċċess għar-riżorsi, inklużi ż-żrieragħ tal-bdiewa, u biex jiżguraw l-involviment effikaċi tal-produtturi fuq skala żgħira fil-proċessi u l-implimentazzjoni politiċi; jisħaq b'mod partikolari fuq il-fatt li jeħtieġ li l-Alleanza tinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' industriji tal-ipproċessar domestiċi fis-settur agrikolu u t-titjib tat-tekniki għall-ħżin tal-ikel, u li jeħtieġ li ssaħħaħ il-kollegament bejn l-agrikoltura u l-kummerċ sabiex jiġu żviluppati s-swieq lokali, nazzjonali u reġjonali li jibbenefikaw lill-bdiewa familjari u jipprovdu ikel ta' kwalità għall-konsumatur bi prezzijiet aċċessibbli;

jevitaw li jagħmlu s-sistemi ta' produzzjoni tal-ikel dipendenti wisq fuq il-karburanti fossili, bl-għan li jillimitaw il-volatilità tal-prezzijiet u jtaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima;

jiżviluppaw ktajjen ta' provvista alimentari qosra fil-livelli lokali u reġjonali, u infrastruttura xierqa għall-ħżin u għall-komunikazzjoni b'dan l-għan, peress li l-ktajjen ta' provvista qosra huma l-aktar effikaċi fil-ġlieda kontra l-ġuħ u l-faqar rurali;

jiffaċilitaw l-aċċess min-naħa tal-bdiewa Afrikani għal soluzzjonijiet teknoloġiċi li ma jkunux wisq għalja għalihom u li jużaw ammont baxx ta' fatturi produttivi għall-isfidi agronomiċi speċifiċi għall-Afrika;

jinkoraġġixxu varjetà estensiva ta' wċuħ alimentari nutrittivi, lokali u, sa kemm ikun possibbli, staġunali, preferibilment varjetajiet u speċijiet adattati lokalment jew indiġeni, inklużi frott, ħxejjex u ġewż, sabiex itejbu n-nutrizzjoni permezz ta' aċċess kontinwu għal dieta varjata, bnina u bi prezz aċċessibbli, li tkun adegwata f'termini tal-kwalità, il-kwantità u d-diversità, u mhux biss f'termini ta' konsum ta' kaloriji, u li tkun konsistenti mal-valuri kulturali;

jimpenjaw ruħhom favur l-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tas-Sostituti tal-Ħalib tal-Omm u r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa dwar in-nutrizzjoni tat-trabi u tat-tfal żgħar;

jistabbilixxu, jippromwovu u jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, bħal pereżempju l-kooperattivi li jsaħħu l-pożizzjonijiet negozjattivi tal-bdiewa ż-żgħar, biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi żgurat li s-swieq jirremuneraw aħjar lill-bdiewa żgħar, u li jippermettu l-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-aħjar prattiki bejn il-bdiewa żgħar;

50.

Jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li l-Alleanza twassal għall-istabbiliment ta' struttura agrikola adattata għar-reġjun fl-istadji primarji u tal-ipproċessar;

51.

Jappella lill-gvernijiet Afrikani biex irawmu s-solidarjetà interġenerazzjonali u jirrikonoxxu r-rwol kruċjali li tiżvolġi fil-ġlieda kontra l-faqar;

52.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġu promossi l-programmi ta' edukazzjoni nutrittiva fl-iskejjel u l-komunitajiet lokali;

53.

Jisħaq fuq il-fatt li d-dritt għall-ilma jmur id f'id mad-dritt għall-ikel, u li r-riżoluzzjoni tan-NU tal-2010 għadha ma rriżultatx f'azzjoni deċiżiva biex id-dritt għall-ilma jiġi stabbilit bħala dritt tal-bniedem; jappella lill-UE biex tikkunsidra l-proposta għal protokoll fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali li ressaq il-Kumitat Taljan għal Kuntratt Dinji dwar l-Ilma;

54.

Jirrikonoxxi r-rwol vitali li għandu l-aċċess għall-ilma għax-xorb nadif u l-impatt li l-biedja jista' jkollha fuqu;

55.

Jirrikonoxxi r-rwol tal-aċċess għall-ilma għall-ħtiġijiet agrikoli, u r-riskji ta' dipendenza żejda fuq l-ilma prezzjuż għall-irrigazzjoni, kif ukoll jinnota, fid-dawl ta' dan, il-ħtieġa li jitnaqqsu l-prattiki ta' irrigazzjoni ħalja u jisħaq fuq ir-rwol li jistgħu jiżvolġu t-tekniki agronomiċi li jikkonservaw l-ilma fil-prevenzjoni tal-evapotraspirazzjoni, fiż-żamma tal-ilma f'ħamrija ħajja u f'saħħitha u fil-ħarsien tas-sorsi tal-ilma għax-xorb mit-tniġġis;

56.

Jinnota li ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija tista' żżid il-produzzjoni alimentari dinjija b'rata li tilħaq it-58 % (48);

57.

Jinnota s-sinerġiji bejn l-approċċi bbażati fuq il-ħamrija u dawk ibbażati fuq is-siġar u l-importanza li l-agroekosistemi jiġu adattati għat-tibdil fil-klima; jinnota b'mod speċjali d-domanda kbira għall-ħatab; jinnota b'mod partikolari d-diversi tipi ta' użu li għandhom is-siġar li jikkonvertu in-nitroġenu għal forma assimilabbli minn organiżmi oħra;

58.

Jirrikonoxxi l-ħtiġijiet speċifiċi tal-agrikoltura tropikali u semiarida, b'mod speċjali fir-rigward tal-uċuħ li jeħtieġu d-dell mix-xemx u l-protezzjoni tal-ħamrija, u jikkunsidra li l-monokulturi estrattivi għadda żmienhom, filwaqt li jinnota wkoll li qed jiġri dejjem aktar li dawn jiġu gradwalment eliminati fil-pajjiżi donaturi tal-Alleanza;

59.

Iwissi kontra d-dipendenza eċċessiva fuq il-produzzjoni ta' prodotti bażiċi agrikoli mhux alimentari minflok tal-ikel, b'mod partikolari l-materja prima għall-bijokarburanti, fl-inizjattivi ffinanzjati mill-Alleanza, fejn il-produzzjoni ta' tali prodotti bażiċi jista' jkollha impatt dannuż fuq is-sigurtà alimentari u fuq is-sovranità alimentari tal-pajjiżi parteċipanti;

60.

Jinnota li t-tekniki agronomiċi – l-għoti ta' spinta lill-proċessi naturali bħall-formazzjoni tal-ħamrija tal-wiċċ, ir-regolazzjoni tal-ilma u tal-organiżmi ta' ħsara jew iċ-ċiklu tas-sustanzi nutrittivi f'ċirkwit magħluq – jistgħu jassiguraw il-produttività u l-fertilità fit-tul bi prezz baxx għall-bdiewa u għall-amministrazzjonijiet;

61.

Jinnota li s-sustanzi agrokimiċi jistgħu jintużaw iżżejjed kif ukoll jintużaw b'mod mhux xieraq fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħalma huma dawk li qed jipparteċipaw fl-Alleanza;

62.

Jinnota li din is-sitwazzjoni tiġi aggravata minħabba l-illiteriżmu u n-nuqqas ta' taħriġ adegwat, u tista' twassal biex ikun hemm livelli elevati ħafna ta' residwi ta' pestiċidi fi frott u ħaxix frisk, kif ukoll biex il-bdiewa u l-familji tagħhom jiġu avvelenati jew ikollhom impatti oħra fuq saħħithom;

Riforma regolatorja fis-settur taż-żrieragħ

63.

Ifakkar li d-dritt tal-bdiewa li jipproduċu, jiskambjaw u jbiegħu ż-żrieragħ b'mod liberu jirfed 90 % tal-għajxien mill-agrikoltura fl-Afrika, u li d-diversità taż-żrieragħ hi vitali fil-bini tar-reżiljenza tal-biedja għat-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li t-talbiet korporattivi biex id-drittijiet tan-nissiela tal-pjanti jissaħħu bi qbil mal-Konvenzjoni tal-UPOV tal-1991 ma jirriżultawx fil-projbizzjoni tal-arranġamenti informali ta' dan it-tip;

64.

Jinnota l-perikli ta' deregolamentazzjoni tas-settur taż-żrieragħ fil-pajjiżi parteċipanti, li tista' twassal biex l-operaturi agrikoli żgħar isiru dipendenti wisq fuq iż-żrieragħ u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti manifatturati minn kumpaniji barranin;

65.

Ifakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS li jappellaw għal xi forma ta' protezzjoni għall-varjetajiet tal-pjanti ma tobbligax lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jadottaw ir-reġim UPOV; jisħaq fuq il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet, madankollu, jippermettu li l-pajjiżi jiżviluppaw sistemi sui generis li jkunu adattati aħjar għall-karatteristiċi tal-produzzjoni agrikola ta' kull pajjiż u għas-sistemi taż-żrieragħ tal-bdiewa tradizzjonali, filwaqt li l-pajjiżi l-anqas żviluppati li huma partijiet għad-WTO huma eżentati milli jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-Ftehim TRIPS; jenfasizza li s-sistemi sui generis iridu jkunu ta' appoġġ għall-objettivi u l-obbligi li jeżistu taħt il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, il-Protokoll ta' Nagoya u t-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u Agrikoltura u mhux imorru kontrihom;

66.

Jiddeplora l-appell korporattiv għall-armonizzjoni tal-liġijiet dwar iż-żrieragħ abbażi tal-prinċipji ta' distintività, uniformità u stabilità fil-kuntest Afrikan permezz tal-istituzzjonijiet reġjonali, li se xxekkel l-iżvilupp u t-tkabbir tas-sistemi taż-żrieragħ tal-bdiewa fil-livelli nazzjonali u reġjonali, peress li tali sistemi normalment la jnisslu u lanqas jikkonservaw żrieragħ li jissodisfaw il-kriterji ta' distintività, uniformità u stabilità;

67.

Iħeġġeġ lill-istati membri tal-G7 biex jappoġġaw lis-sistemi taż-żrieragħ tal-bdiewa tal-Komunità permezz ta' banek ta' żrieragħ fil-livell tal-komunitajiet;

68.

Ifakkar li, filwaqt li l-varjetajiet ta' żrieragħ kummerċjali jistgħu jtejbu r-rendiment fuq żmien qasir, il-varjetajiet tradizzjonali tal-bdiewa, ir-razez lokali u l-għarfien assoċjat magħhom huma l-aktar xierqa biex jiġu adattati għall-ambjenti agroekoloġiċi speċifiċi u t-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-fatt li, barra minn hekk, ir-rendiment akbar tagħhom jiddependi fuq l-użu ta' fatturi produttivi (fertilizzanti, pestiċidi, żrieragħ ibridi) li jġorru magħhom ir-riskju li l-bdiewa jiġu intrappolati f'ċirku vizzjuż ta' dejn;

69.

Jinnota bi tħassib li l-introduzzjoni u t-tifrix ta' żrieragħ iċċertifikati fl-Afrika qed iżidu d-dipendenza tal-operaturi agrikoli żgħar, iżidu il-probabilità li jispiċċaw midjuna u jnawru d-diversità taż-żrieragħ;

70.

Jargumenta favur l-għoti ta' appoġġ lill-politiki lokali mmirati biex jiżguraw aċċess konsistenti u sostenibbli għal dieta varjata u nutrittiva, skont il-prinċipji tas-sjieda u s-sussidjarjetà;

71.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-impenji li ħadet l-UE favur id-drittijiet tal-bdiewa taħt it-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u Agrikoltura jiġu riflessi fl-assistenza teknika u l-appoġġ finanzjarju kollha għall-iżvilupp tal-politika dwar iż-żrieragħ; jappella lill-UE biex tappoġġa l-iskemi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jqawwu l-iżvilupp ta' varjetajiet ta' żrieragħ adattati lokalment u żrieragħ ikkonservati mill-bdiewa;

72.

Iħeġġeġ lill-istati membri tal-G8 ma jappoġġawx l-uċuħ ġenetikament modifikati fl-Afrika;

73.

Ifakkar li l-Mudell tal-Liġi Afrikana dwar il-Bijosikurezza jistabbilixxi parametru ta' riferiment għoli fir-rigward tal-bijosikurezza; jemmen li l-assistenza kollha minn donaturi barranin fl-iżvilupp tal-bijosikurezza fil-livelli nazzjonali u reġjonali għandha għaldaqstant tkun koerenti ma' dan il-qafas;

74.

Iħeġġeġ lill-pajjiżi Afrikani jimplimentaw reġimi dwar il-bijosikurezza fil-livell nazzjonali jew reġjonali bi standards aktar baxxi minn dawk stipulati fil-Protokoll ta' Kartaġena dwar il-Bijosikurezza;

75.

Jappella lill-pajjiżi parteċipanti biex jagħtu lill-bdiewa l-għażla li jevitaw id-dipendenza fuq il-fatturi produttivi, u biex jappoġġaw is-sistemi taż-żrieragħ tal-bdiewa b'mod li l-agrobijodiversità tiġi ppreżervata u tittejjeb billi jkun hemm banek ta' żrieragħ fil-livell lokali b'sjieda pubblika, skambji u żvilupp kontinwu tal-varjetajiet ta' żrieragħ lokali, speċifikament billi tiġi pprovduta flessibilità fir-rigward tal-katalgi taż-żrieragħ sabiex ma jiġux esklużi l-varjetajiet tal-bdiewa u jiggarantixxu t-tkomplija tal-prodotti tradizzjonali;

76.

Jappella lill-pajjiżi parteċipanti biex jissalvagwardjaw u jippromwovu l-aċċess għaż-żrieragħ u l-fatturi produttivi agrikoli għall-operaturi agrikoli żgħar, il-gruppi emarġinati u l-komunitajiet rurali, kif ukoll l-iskambju tagħhom, u biex jirrispettaw il-ftehimiet internazzjonali dwar il-fatt li l-ħajja u l-proċessi bijoloġiċi ma jistgħux jiġu protetti bi privattiva, speċjalment fejn huma kkonċernati l-ispeċijiet u r-razez nattivi;

77.

Jisħaq fuq ir-riskju li tiżdied l-emarġinazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet li jirriżultaw mill-iżvilupp ta' ċerti wċuħ kummerċjali; jinnota li t-taħriġ agrikolu spiss jiġi mmirat lejn l-irġiel u jbarri lin-nisa, li b'hekk isibu ruħhom esklużi mill-ġestjoni tal-artijiet u tal-uċuħ tar-raba li tradizzjonalment kienu jieħdu ħsieb;

Is-sessi

78.

Jiddispjaċih li l-Oqfsa ta' Kooperazzjoni għall-Pajjiżi fil-biċċa l-kbira ma jiddefinixxux impenji preċiżi fir-rigward tal-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneri fl-ibbaġitjar u lanqas jissorveljaw il-progress permezz ta' data diżaggregata; jisħaq fuq il-ħtieġa għal tranżizzjoni minn impenji astratti u ġenerali għal oħrajn konkreti u preċiżi fl-ambitu tal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali biex in-nisa jingħataw setgħa bħala detenturi ta' drittijiet;

79.

Iħeġġeġ lill-gvernijiet jeliminaw id-diskriminazzjoni kollha kontra n-nisa f'termini tal-aċċess għall-art u għall-iskemi u s-servizzi ta' mikrokreditu, u jinvolvu lin-nisa b'mod effikaċi fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar ir- riċerka u żvilupp agrikoli;

L-iffinanzjar tal-investiment agrikolu fl-Afrika

80.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza ta' kull finanzjament mogħti lill-kumpaniji tas-settur privat u li tali finanzjament irid isir pubbliku;

81.

Jappella lid-donaturi biex jallinjaw l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) mal-prinċipju tal-effikaċja tal-iżvilupp, jiffokaw fuq ir-riżultati bl-għan li jeqirdu l-faqar, u jippromwovu s-sħubiji inklużivi, it-trasparenza u r-responsabilità;

82.

Jappella lid-donaturi biex jiddirieġu l-appoġġ tagħhom għall-iżvilupp agrikolu primarjament mill-fondi ta' żvilupp nazzjonali li jagħtu sussidji u self lill-operaturi agrikoli żgħar u l-biedja familjari;

83.

Iħeġġeġ lid-donaturi jappoġġaw l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-konsulenza teknika għall-bdiewa;

84.

Jappella lid-donaturi biex jippromwovu l-formazzjoni ta' organizzazzjonijiet għall-bdiewa ta' natura professjonali u ekonomika, u biex jappoġġaw it-twaqqif ta' kooperattivi tal-bdiewa li jippermettu l-forniment ta' mezzi ta' produzzjoni bi prezz aċċessibbli u jgħinu lill-bdiewa jipproċessaw u jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom b'mod li jissalvagwardja l-profittabilità tal-produzzjoni tagħhom;

85.

Jemmen li l-finanzjament ipprovdut mill-Istati Membri tal-G8 lill-Alleanza jmur kontra l-għan ta' appoġġ għall-kumpaniji lokali domestiċi li ma jistgħux jikkompetu mal-kumpaniji multinazzjonali li diġà jibbenefikaw minn pożizzjoni dominanti fis-suq u spiss jingħataw privileġġi kummerċjali, tariffarji u fiskali;

86.

Ifakkar li l-iskop tal-għajnuna għall-iżvilupp hu li tnaqqas, u fl-aħħar mill-aħħar teqred, il-faqar; jemmen li l-ODA għandha tiffoka fuq l-appoġġ dirett għall-biedja fuq skala żgħira;

87.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata ħajja ġdida lill-investiment pubbliku fl-agrikoltura Afrikana, filwaqt li jiġi pprovdut appoġġ għall-investiment privat u tingħata prijorità lill-investiment fl-agroekoloġija, sabiex tiżdied b'mod sostenibbli s-sigurtà alimentari u jitnaqqsu l-faqar u l-ġuħ filwaqt li tiġi preżervata l-bijodiversità u jiġu rispettati l-għarfien u l-innovazzjoni indiġeni;

88.

Jisħaq fuq il-fatt li l-istati membri tal-G7 għandhom jiggarantixxu d-dritt lill-pajjiżi Afrikani li jipproteġu s-setturi agrikoli tagħhom permezz ta' reġimi tariffarji u fiskali li jiffavorixxu l-biedja familjari u l-operazzjonijiet agrikoli żgħar;

89.

Jappella lill-UE biex tindirizza n-nuqqasijiet kollha tal-Alleanza deskritti hawn fuq, taġixxi biex issaħħaħ it-trasparenza u l-governanza tagħha, u tiżgura li l-azzjonijiet li jittieħdu fi ħdanha jkunu konsistenti mal-objettivi tal-politika dwar l-iżvilupp;

o

o o

90.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-partijiet għall-Alleanza.


(1)  Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/70/1.

(2)  NU FCCC/CP/2015/L.9/Rev.1.

(3)  http://www.nepad.org/system/files/caadp.pdf.

(4)  Assemblea/UA/Dikjarazzjoni 7(II).

(5)  Assemblea/UA/Dikjarazzjoni 449(XIX) .

(6)  Assemblea/UA/Dikjarazzjoni 1(XXIII)

(7)  http://www.ifad.org/events/g8/statement.pdf

(8)  http://www.uneca.org/publications/framework-and-guidelines-landpolicy-africa

(9)  Assemblea/UA/Dikjarazzjoni 1(XIII) Rev. 1

(10)  http://www.uneca.org/publications/guiding-principles-large-scale-land-based-investments-africa

(11)  http://acbio.org.za/modernising-african-agriculture-who-benefits-civil-society-statement-on-the-g8-agra-and-the-african-unions-caadp/

(12)  https://www.grain.org/bulletin_board/entries/4914-djimini-declaration

(13)  http://www.fao.org/docrep/009/y7937e/y7937e00.htm

(14)  http://www.unep.org/dewa/Assessments/Ecosystems/IAASTD/tabid/105853/Defa

(15)  https://treaties.un.org/pages/ViewDetails.aspx?src=IND&mtdsg_no=IV-4&chapter=4&lang=en

(16)  http://www.un.org/womenwatch/daw/cedaw/

(17)  http://www.achpr.org/instruments/achpr/

(18)  http://www.un.org/esa/socdev/unpfii/documents/DRIPS_en.pdf

(19)  http://www.ohchr.org/EN/Issues/Housing/Pages/ForcedEvictions.aspx

(20)  https://www.unglobalcompact.org/library/2

(21)  http://www.oecd.org/corporate/mne/oecdguidelinesformultinationalenterprises.htm

(22)  http://www.oecd.org/development/effectiveness/busanpartnership.htm

(23)  http://www.fao.org/nr/tenure/voluntary-guidelines/en/

(24)  http://www.upov.int/upovlex/en/conventions/1991/content.html

(25)  http://www.planttreaty.org/

(26)  https://www.cbd.int/

(27)  http://hrst.au.int/en/biosafety/modellaw

(28)  http://apf.francophonie.org/IMG/pdf/2012_07_session_58_Resolution_Regulation_du_foncier.pdf

(29)  ĠU C 64, 4.3.2014, p. 31.

(30)  COM(2010)0127.

(31)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/114357.pdf

(32)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/EN/foraff/137318.pdf

(33)  SWD(2014)0234.

(34)  ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 75..

(35)  Testi adottati, P7_TA(2013)0578.

(36)  Testi adottati, P7_TA(2014)0250.

(37)  Testi adottati, P8_TA(2015)0073.

(38)  http://viacampesina.org/en/index.php/main-issues-mainmenu-27/agrarian-reform-mainmenu-36/1775-declaration-of-the-global-convergence-of-land-and-water-struggles

(39)  Testi adottati, P8_TA(2015)0184.

(40)  http://afsafrica.org/wp-content/uploads/2015/05/AFSA-Demands-to-the-Germany-G7-Presidency-Agenda.pdf

(41)  http://carta.milano.it/wp-content/uploads/2015/04/English_version_Milan_Charter.pdf

(42)  http://www.foodpolicymilano.org/wp-content/uploads/2015/10/Milan-Urban-Food-Policy-Pact-EN.pdf

(43)  Testi adottati, P8_TA(2016)0023.

(44)  http://www.europarl.europa.eu/committees/mt/deve/events.html?id=20151201CHE00041

(45)  http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/535010/EXPO_STU(2015)535010_EN.pdf

(46)  Mwachinga, E. (Tim għas-Semplifikazzjoni Fiskali Globali, Grupp tal-Bank Dinji), “Ir-riżultati tal-istħarriġ dwar il-motivazzjoni tal-investituri mwettaq fil-Komunità tal-Afrika tal-Lvant”, preżentazzjoni mogħtija f'Lusaka fit-12 ta' Frar 2013.

(47)  “Appoġġ għall-iżvilupp ta' sistemi fiskali aktar effikaċi” – Rapport lill-grupp ta' ħidma tal-G20 mill-FMI, l-OECD u l-Bank Dinji, 2011.

(48)  FAO, Sħubija Globali tal-Ħamrija.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/24


P8_TA(2016)0248

Evalwazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-evalwazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) u dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS), tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) u tal-Bord tas-Sorveljanza tal-Interess Pubbliku (PIOB) (2016/2006(INI))

(2018/C 086/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali ta' kontabilità (1),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Sorveljanza Finanzjarja fl-UE, ippresedut minn Jacques de Larosière, tal-25 ta' Frar 2009,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta' kumpanniji pubbliċi ta' responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 258/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' programm tal-Unjoni għas-sostenn ta' attivitajiet speċifiċi fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju u l-awditjar għall-perjodu 2014-2020 u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE (4),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 258/2014 dwar l-istabbiliment ta' programm tal-Unjoni għas-sostenn ta' attivitajiet speċifiċi fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju u l-awditjar għall-perjodu 2014-20 (COM(2016)0202),

wara li kkunsidra r-rapport ta' Ottubru 2013 minn Philippe Maystadt intitolat “Should IFRS standards be more European?”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress miksub fl-implimentazzjoni tar-riforma tal-EFRAG skont ir-rakkomandazzjonijiet formulati fir-rapport Maystadt (COM(2014)0396),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ġunju 2015 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (COM(2015)0301),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2015 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-IFRS, l-EFRAG u l-PIOB fl-2014 (COM(2015)0461),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2015 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, dwar Pjan ta' Azzjoni għall-Bini ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali (COM(2015)0468),

wara li kkunsidra l-istudju dwar il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) (“The European Union's Role in International Economic Fora – paper 7: The IASB”) u l-erba' studji dwar l-IFRS 9 (“IFRS Endorsement Criteria in Relation to IFRS 9”, “The Significance of IFRS 9 for Financial Stability and Supervisory Rules”, “Impairments of Greek Government Bonds under IAS 39 and IFRS 9: A Case Study” u “Expected-Loss-Based Accounting for the Impairment of Financial Instruments: the FASB and IASB IFRS 9 Approaches”),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza għall-istandards tal-kontabilità applikati mill-emittenti tal-pajjiż terz ta' titoli skont id-Direttivi 2003/71/KE u 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G20 tat-2 ta' April 2009,

wara li kkunsidra d-dokument ta' diskussjoni tal-IASB ta' Lulju 2013 intitolat “A Review of the Conceptual Framework for Financial Reporting” (DP/2013/1) u s-Sejħa għall-Osservazzjonijiet, mingħand l-IASB, ta' Lulju 2015 intitolata “ir-Rieżami tal-Fiduċjarji tal-Istruttura u l-Effettività: Kwistjonijiet tar-Rieżami”,

wara li kkunsidra l-kumment tal-Kummissjoni tal-1 ta' Diċembru 2015 fuq ir-Rieżami tal-Fiduċjarji tal-Istruttura u l-Effettività tal-IASB,

wara li kkunsidra l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjajru (IFRS) 9 dwar l-Istrumenti Finanzjarji maħruġ fl-24 ta' Lulju 2014 mill-IASB, il-parir għall-konferma rigward l-IFRS 9, il-valutazzjoni min-naħa tal-EFRAG tal-IFRS 9 fil-konfront tal-prinċipju ta' stampa veritiera u ġusta, id-dokumenti tal-laqgħa tal-Kumitat għar-Regolamentazzjoni tal-Kontabilità (ARC) dwar l-IFRS 9 u l-ittri ta' osservazzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar il-konferma tal-IFRS 9,

wara li kkunsidra l-ittra tal-14 ta' Jannar 2014 mibgħuta f'isem il-Koordinaturi tal-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, li fiha l-osservazzjonijiet dwar dokument ta' diskussjoni tal-IASB intitolat “A Review of the Conceptual Framework for Financial Reporting”,

wara li kkunsidra rapport tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) dwar l-Attivitajiet ta' Infurzar u Regolatorji tal-Awtorità inkarigata mill-Infurzar tar-Regoli ta' Kontabilità fl-2014, tal-31 ta' Marzu 2015 (ESMA/2015/659),

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-ESMA dwar l-applikazzjoni ta' obbligi fil-qasam tal-informazzjoni finanzjarja tal-10 ta' Lulju 2014 (ESMA/2014/807),

wara li kkunsidra t-tabella ta' konformità tal-ESMA mal-linji gwida tal-ESMA dwar l-infurzar tal-informazzjoni finanzjarja tad-19 ta' Jannar 2016 (ESMA/2015/203 REV),

wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 dwar l-Istandards Internazzjonali għar-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRS) u l-Governanza tal-Bord Internazzjonali tal-Istandards tal-Kontabilità (IASB) (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji (7),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati (8), emendata mid-Direttiva 2014/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 (9) applikabbli minn nofs Ġunju 2016,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0172/2016),

A.

billi l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) u l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (ISA) huma komponent essenzjali wieħed neċessarju għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern u tas-swieq kapitali; billi l-IFRS u l-ISA jistgħu jinftiehmu li huma ta' interess pubbliku, għalhekk m'għandhomx jipperikolaw l-istabbiltà finanzjarja jew ifixklu l-iżvilupp ekonomiku tal-Unjoni u għandhom iservu l-interess pubbliku u mhux biss l-interessi ta' investituri, ta' min jissellef u tal-kredituri;

B.

billi l-falsifikazzjoni tal-kontabilità tal-kumpanniji tirrappreżenta theddida għall-istabilità ekonomika u finanzjarja, kif ukoll ksur tal-fiduċja taċ-ċittadini fil-mudell tal-ekonomija soċjali tas-suq;

C.

billi l-iskop tal-IFRS huwa t-tisħiħ tar-responsabilizzazzjoni billi jnaqqsu d-distakk ta' informazzjoni bejn l-investituri u l-kumpanniji, il-protezzjoni tal-investiment u l-favoriment tat-trasparenza permezz tat-tisħiħ tal-komparabilità internazzjonali u l-kwalità tal-informazzjoni finanzjarja, l-għoti lill-investituri u l-parteċipanti l-oħra tas-suq tal-possibilità li jieħdu deċiżjonijiet ekonomiċi bbażati fuq għarfien, u għalhekk biex jinfluwenzaw l-imġiba tal-atturi fis-swieq finanzjarji u jaffettwaw l-istabilità ta' dawn is-swieq; billi, madankollu, dan il-mudell ta' kontabilità abbażi tal-“utilità tad-deċiżjonijiet” mhuwiex totalment koerenti mal-funzjoni tal-“adegwatezza tal-kapital” tal-kontabilità kif deskritta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u d-Direttiva dwar il-Kontabilità li tissuġġerixxi li l-bażi kunċettwali tal-kontabilità skont il-Qafas IFRS ma tħaddanx l-iskop tal-kontabilità fid-dritt tal-UE li għalih l-istampa veritiera u ġusta taċ-ċifri speċifikati hija l-istandard, kif iddefinit fit-tweġiba bil-miktub E-016071/2015 tal-Kummissarju JonathanHill iddatata 25 ta' Frar 2016; billi r-rekwiżit tal-istampa veritiera u ġusta jitlob valutazzjoni olistika li fiha huma importanti spjegazzjonijiet kwalitattivi għaċ-ċifri;

D.

billi d-Direttiva dwar il-Kontabilità tgħid li l-kontijiet huma “ta' importanza speċjali għall-protezzjoni tal-azzjonisti, tal-membri u tal-partijiet terzi” u li “tali tipi ta' impriżi ma joffru l-ebda salvagwardja lil partijiet terzi lil hinn mill-ammonti tal-assi netti tagħhom”; billi d-Direttiva dwar il-Kontabilità tafferma wkoll li l-għan tagħha “hu li jiġu protetti l-interessi li jeżistu f'kumpanniji b'kapital ta' azzjonarju” billi tiżgura li l-dividendi ma jitħallsux mill-kapital azzjonarju; billi tali għan ġenerali tal-kontijiet jista' jiġi realizzat biss jekk iċ-ċifri speċifikati fil-kontijiet jagħtu stampa veritiera u ġusta tal-assi u l-obbligi, tal-pożizzjoni finanzjarja u tal-profitt jew tat-telf ta' kumpannija; billi stampa veritiera u ġusta, id-determinazzjoni ta' pagamenti ta' dividendi u l-valutazzjoni ta' solvenza ta' kumpannija jeħtieġu wkoll informazzjoni kwalitattiva u valutazzjoni usa' tar-riskji;

E.

billi l-IASB jiffunzjona taħt il-patroċinju tal-Fondazzjoni tal-IFRS – korporazzjoni privata mingħajr skop ta' lukru reġistrata f'Londra, fir-Renju Unit, u fid-Delaware, fl-Istati Uniti – u bħala korp inkarigat mit-tfassil tal-istandards, irid jibbaża ruħu fuq proċessi trasparenti, indipendenti u jkun suġġett għal rendikont pubbliku dirett; billi l-UE tikkontribwixxi madwar 14 % għall-baġit tal-Fondazzjoni tal-IFRS u għalhekk hija l-akbar kontributur finanzjarju;

F.

billi l-moviment ta' kapital fuq livell globali jeħtieġ sistema globali tal-istandards ta' kontabilità; billi l-IFRS huma applikati f'116-il ġurisdizzjoni, taħt modalitajiet differenti (adozzjoni sħiħa, parzjali, għażla jew konverġenza) iżda mhux fl-Istati Uniti għal emittenti nazzjonali;

G.

billi l-Ftehim ta' Norwalk ta' Ottubru 2002 bejn l-IASB u l-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (FASB) tal-Istati Uniti ppropona li għandu jkun hemm konverġenza bejn l-IFRS maħruġa mill-IASB u l-US-GAAP maħruġa mill-FASB;

H.

billi fl-UE, il-proċess ta' approvazzjoni huwa bbażat fuq il-kriterji ta' approvazzjoni kif stipulati fir-Regolament tal-IAS; billi IFRS m'għandhiex tmur kontra l-prinċipju ta' stampa veritiera u ġusta kif inkluż fid-Direttiva dwar il-Kontabilità, li jirrikjedi li r-rendikonti finanzjarji għandhom jagħtu “stampa veritiera u ġusta” tal-assi u l-obbligazzjonijiet, tal-posizzjoni finanzjarja u tal-profitt jew telf ta' kumpannija; billi d-dividendi u l-bonusijiet m'għandhomx jitħallsu minn qligħ mhux realizzat li fl-aħħar mill-aħħar ikunu mill-kapital kif meħtieġ mid-Direttiva dwar il-Manteniment tal-Kapital; billi l-IFRS għandhom iwasslu għall-interess pubbliku fl-Ewropa u għandhom jissodisfaw il-kriterji bażiċi relatati mal-kwalità tal-informazzjoni meħtieġa għar-rapporti finanzjarji;

I.

billi l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew huma involuti fil-proċess ta' konferma fuq il-bażi ta' pariri mill-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar ir-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG), minn konsulent tekniku privat tal-Kummissjoni, u fuq il-bażi tax-xogħol tal-Kumitat għar-Regolamentazzjoni tal-Kontabilità (ARC) magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri; billi r-rapport ta' Maystadt iddiskuta l-possibbiltà li tinħoloq aġenzija biex tissostitwixxi l-EFRAG bħala soluzzjoni iktar fit-tul;

J.

billi, fi ħdan l-UE, partijiet interessati differenti – b'mod partikolari l-investituri fit-tul – qajmu l-kwistjoni tal-konsistenza tal-IFRS mar-rekwiżiti ġuridiċi tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, partikolarment mal-prinċipji tal-prudenza u l-ġestjoni; billi l-involviment tal-Parlament fil-proċess ta' ffissar ta' standards mhuwiex biżżejjed u mhuwiex proporzjonat mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-baġit tal-UE lill-Fondazzjoni tal-IFRS; billi l-enfażi kienet ukoll fuq it-tisħiħ tal-vuċi tal-Ewropa sabiex ikun żgurat li tali prinċipji jiġu rikonoxxuti u inkorporati bis-sħiħ matul il-proċess kollu ta' ffissar ta' standards;

K.

billi l-kriżijiet finanzjarji riċenti rendew ir-rwol li l-IFRS jaqdu fl-istabilità finanzjarja u t-tkabbir, is-suġġett ta' diskussjoni fil-kuntest tal-G20 u l-aġendi tal-UE, b'mod partikolari r-regoli dwar ir-rikonoxximent tat-telf imġarrab fis-sistema bankarja; billi l-G20 u r-rapport De Larosière enfasizzaw il-kwistjonijiet ewlenin fir-rigward tal-istandards tal-kontabilità qabel il-kriżi, inklużi l-kontabilità li ma tidhirx fil-karta bilanċjali, l-proċikliċità relatata mal-prinċipju tal-valwazzjoni skont is-suq u tar-rikonoxximent tal-profitt u t-telf, sottovalutazzjoni tar-riskju akkumulat matul perjodu ta' rkupru ċikliku, u n-nuqqas ta' metodoloġija komuni u trasparenti għall-valwazzjoni tal-assi nonlikwidi u danneġġati;

L.

billi l-IASB wassal għal strumenti finanzjarji IFRS 9 bħala rispons fundamentali għal ċerti aspetti tal-kriżi u tal-impatt tagħha fuq is-settur bankarju; billi l-parir tal-EFRAG dwar l-IFRS 9 kien pożittiv, b'għadd ta' osservazzjonijiet li jirrigwardaw l-użu ta' “valur ġust” f'każ ta' diffikultajiet tas-suq, in-nuqqas ta' bażi kunċettwali fir-rigward tal-approċċ ta' proviżjonament għat-telf ta' 12-il xahar jew il-proviżjonamenti insodisfaċenti relatati mal-investiment fit-tul; billi, minħabba d-dati effettivi differenti tal-IFRS 9 u l-istandard ta' assigurazzjoni ġejjieni, il-parir esprima riżerva dwar l-applikabilità tal-istandard għas-settur tal-assigurazzjoni; billi din il-kwistjoni hija rikonoxxuta mill-IASB innifsu; billi hemm tħassib li l-proposta għal trattament kontabilistiku tal-ekwità tista' taffettwa b'mod negattiv l-investiment fit-tul; billi l-ittri ta' osservazzjonijiet tal-BĊE u tal-EBA dwar l-IFRS 9 kienu pożittivi iżda semmew ukoll numru ta' nuqqasijiet speċifiċi;

M.

billi l-kwistjoni tal-kontabilità li ma tidhirx fil-karta bilanċjali ġiet ittrattata fl-emendi sussegwenti għall-“IFRS 7 Strumenti finanzjarji: Id-divulgazzjonijiet” u l-ħruġ ta' tliet standards ġodda – “IFRS 10 Rapporti finanzjarji konsolidati”, “IFRS 11 Arranġamenti konġunti” u “IFRS 12 Divulgazzjoni tal-interessi f'entitajiet oħra”;

N.

billi f'Mejju 2015, l-IASB ippubblika Abbozz ta' Espożizzjoni tal-“Qafas kunċettwali” li jiddeskrivi l-kunċetti li jassistu lill-IASB fl-iżvilupp tal-IFRS, u b'hekk dawk li jippreparaw id-dikjarazzjonijiet finanzjarji setgħu jiżviluppaw u jagħżlu kriterji ta' kontabilità u ġew iffaċilitati l-fehim u l-interpretazzjoni tal-IFRS mill-partijiet kollha;

O.

billi l-istruttura ta' governanza tal-Fondazzjoni tal-IFRS tinsab fil-fażi ta' reviżjoni, b'mod konformi mal-att kostituttiv tagħha; billi dan hu għalhekk iż-żmien propizju biex wieħed jirrevedi l-istruttura organizzattiva u l-bidliet meħtieġa għall-korpi ta' tmexxija u ta' monitoraġġ tal-Fondazzjoni tal-IFRS u tal-IASB, bl-għan li dawn jiġu integrati aħjar fis-sistema ta' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u jiżguraw rappreżentanza wiesgħa (bħall-aġenziji ta' rappreżentanza tal-konsumatur u l-ministeri tal-finanzi) tal-interessi u r-responsabbiltà pubblika li tiggarantixxi standards tal-kontabbiltà ta' kwalità għolja;

P.

billi l-ISA huma żviluppati mill-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Aċċertament (IAASB), entità indipendenti fi ħdan il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC); billi l-Bord tas-Sorveljanza tal-Interess Pubbliku (PIOB) huwa organizzazzjoni internazzjonali indipendenti li tissorvelja l-proċess li jwassal għall-adozzjoni tal-ISA u l-attivitajiet oħra ta' interess pubbliku tal-IFAC;

Q.

billi l-programm tal-Unjoni għas-sostenn ta' attivitajiet speċifiċi fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju u l-awditjar għall-perjodu 2014-2020 ikopri l-finanzjament tal-Fondazzjoni tal-IFRS u l-PIOB għall-2014-2020, iżda jkopri l-finanzjament tal-EFRAG għall-2014-2016 biss;

Evalwazzjoni ta' 10 snin tal-applikazzjoni tal-IFRS fl-UE

1.

Jinnota r-rapport ta' evalwazzjoni tal-IAS tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-IFRS fl-UE u l-valutazzjoni tagħha li l-objettivi tar-Regolament dwar l-IAS ġew issodisfatti; jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma pproponietx il-bidliet ġuridiċi meħtieġa biex isolvu n-nuqqasijiet identifikati fl-evalwazzjoni tagħha; jappella għal korp inkarigat mill-iffissar tal-istandards sabiex jiżgura li l-IFRS huma koerenti fi ħdan il-korp eżistenti ta' standards ta' kontabilità u jippromwovi konverġenza fil-livell internazzjonali; jappella għal approċċ aktar koordinat fl-iżvilupp ta' standards ġodda, inklużi skedi ta' żmien koordinati għall-applikazzjoni, partikolarment fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-IFRS 9 Strumenti finanzjarji u tal-IFRS 4 Kuntratti ta' assigurazzjoni, il-ġdid; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti legali b'mod diliġenti għal dan il-għan u biex tiżgura li kwalunkwe dewmien ma jirriżultax f'allinjament ħażin jew tfixkil tal-kompetizzjoni fi ħdan l-industrija tal-assigurazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni teżamina fid-dettall jekk ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport De Larosière ġewx implimentati totalment, partikolarment ir-Rakkomandazzjoni Nru 4, li tgħid li hija meħtieġa riflessjoni usa' tal-prinċipju tal-valwazzjoni skont is-suq;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkonforma b'urġenza mar-rakkomandazzjoni ta' Maystadt rigward l-espansjoni tal-kriterju ta' “interess pubbliku”, jiġifieri li l-istandards tal-kontabilità la għandhom jipperikolaw l-istabilità finanzjarja fl-UE u lanqas ixekklu l-iżvilupp ekonomiku tal-UE, u tiżgura li dan il-kriterju jkun totalment rispettat matul il-proċess ta' konferma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-EFRAG, jagħtu linji gwida ċari dwar it-tifsira ta' “interess pubbliku” u tal-prinċipju ta' “stampa veritiera u ġusta” fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u tad-Direttiva dwar il-Kontabilità sabiex jaslu għal fehim komuni ta' dawn il-kriterji tal-konferma; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tinkorpora d-definizzjoni ta' Maystadt tal-kriterju tal-“interess pubbliku” fir-Regolament tal-IAS; jitlob lill-Kummissjoni flimkien mal-EFRAG, jeżaminaw b'mod sistematiku jekk il-kriterju ta' “ġid pubbliku” kif definit minn Maystadt jirrikjedix bidliet għal standards ta' kontabilità eżistenti u, fuq din il-bażi, biex jikkooperaw mal-IASB u ma' dawk li jissettjaw l-istandards nazzjonali u ta' pajjiżi terzi biex jiksbu appoġġ usa' għal modifiki jew, fin-nuqqas ta' tali appoġġ usa', fejn meħtieġ biex jipprovdu fil-liġi tal-UE għal standards speċifiċi li jissodisfaw dawn il-kriterji;

3.

Josserva li t-test ta' “stampa veritiera u ġusta” li jinsab fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2013/34/UE japplika għaċ-ċifri speċifikati fil-kontijiet bħala l-istandard għall-iskopijiet tal-kontijiet skont id-dritt Ewropew kif deskritt fil-Premessi 3 u 29 tad-direttiva; jissottolinja li dan l-iskop jirrelata mal-funzjoni tal-kontijiet tal-adegwatezza tal-kapital, jiġifieri li l-investituri, kemm il-kredituri kif ukoll l-azzjonisti, jużaw iċ-ċifri fil-kontijiet annwali bħala l-bażi għad-determinazzjoni ta' jekk kumpannija hijiex solventi f'termini ta' “assi netti” u għad-determinazzjoni tal-ħlas tad-dividendi;

4.

Jenfasizza l-fatt li komponent ewlieni tar-realizzazzjoni ta' stampa veritiera u ġusta taċ-ċifri speċifikati fil-kontijiet huwa l-valwazzjoni prudenti, li tfisser li ma jkun hemm la sottovalutazzjoni tat-telf u lanqas sovravalutazzjoni tal-profitti, kif deskritt fl-Artikolu 6(1)(c)(i) u (ii) tad-Direttiva dwar il-Kontabilità; jindika li din l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kontabilità kienet ikkonfermata minn bosta deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE;

5.

Josserva li l-Premessa 9 tar-Regolament dwar l-IAS tippermetti grad ta' flessibilità meta tittieħed deċiżjoni biex jiġi konfermat IFRS billi ma tkunx meħtieġa “konformità stretta ma' kull waħda mid-dispożizzjonijiet ta' dawk id-Direttivi”; jissuġġerixxi madankollu, li dan ma jestendix li jippermetti lill-IFRS jiddevja mill-għan ġenerali tad-Direttiva dwar il-Kontabilità 2013 (2013/34/UE), li ssostitwixxiet ir-Raba' Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpanniji (78/660/KEE) u s-Seba' Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpanniji (83/349/KEE) msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-IAS, li jirriżulta f'rapporti finanzjarji li jeżaġeraw il-profitti jew jissottovalutaw it-telf; iqis, f'dan ir-rigward, li l-konferma tal-IAS 39 x'aktarx kienet kuntrarja għal dan l-iskop ġenerali tar-Raba' u tas-Seba' Direttivi dwar il-Kontabilità, sostituti mid-Direttiva dwar il-Kontabilità tal-2013, minħabba l-mudell ta' telf imġarrab tiegħu, partikolarment l-Artikolu 31(1)(c)(bb) tar-Raba' Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpanniji, li jgħid li l-“passiv kollu tal-futur qrib u telf potenzjali li jinħolqu fil-kors tas-sena finanzjarja konċernata jew ta' waħda ta' qabel, [għandhom jitkejlu u jkunu rikonoxxuti] anki jekk dawn il-passiv jew telf isiru evidenti biss bejn id-data tal-karta tal-bilanċ u d-data li fiha hija titfassal”;

6.

Jilqa' l-intenzjoni tal-IASB li jintroduċi l-prinċipju ta' “prudenza” u jsaħħaħ mill-ġdid il-“ġestjoni” fil-Qafas Kunċettwali ġdid; jiddispjaċih li l-interpretazzjoni tal-IASB ta' “prudenza” tfisser biss “trattament prudenti ta' diskrezzjoni”; josserva li l-interpretazzjoni tal-IASB tal-prinċipju ta' prudenza u ta' ġestjoni mhux l-istess bħal dak tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u tad-Direttiva dwar il-Kontabilità; jemmen li l-prinċipju ta' “prudenza” għandu jkun akkumpanjat mill-prinċipju ta' affidabilità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-EFRAG jaqblu dwar it-tifsira tal-prinċipji ta' prudenza u ta' ġestjoni kif definiti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u mid-Direttiva dwar il-Kontabilità u fuq il-bażi ta' dan jikkooperaw mal-IASB u ma' korpi nazzjonali u ta' pajjiżi terzi inkarigati mill-iffissar tal-istandards sabiex jiksbu appoġġ usa' ta' dawn il-prinċipji; jistieden lill-IASB jeżamina b'mod sistematiku jekk Qafas Kunċettwali rivedut jirrikjedix bidliet fl-istandards tal-kontabilità eżistenti u biex jagħmel modifiki fejn meħtieġ;

7.

Jinnota r-riforma dwar ir-rikonoxximent tat-telf fil-qafas tal-IFRS li jmissha tippermetti akkumulu aktar prudenti ta' proviżjonamenti tat-telf fuq il-bażi tal-kunċett li jħares 'il quddiem tal-istennija tat-telf pjuttost milli t-telf imġarrab; huwa tal-fehma li l-proċess ta' konferma tal-UE għandu joħloq b'galbu u bi prudenza qafas skont liema l-kunċett ta' telf mistenni għandu jiġi speċifikat bil-għan li tiġi evitata dipendenza eċċessiva fuq mudell u jippermetti gwida superviżorja ċara fuq id-deprezzament tal-attiv;

8.

Hu tal-fehma li l-kwistjoni tal-kontabilità li ma tidhirx fil-karta bilanċjali għadha ma ġietx ittrattata b'mod adegwat u effikaċi inkwantu d-deċiżjoni li tiddetermina jekk attiv għandux jidher fil-karti bilanċjali jew le għadha suġġetta għal regola mekkanistika li tista' tiġi eluża; jistieden lill-IASB jikkoreġi dawn in-nuqqasijiet;

9.

Jilqa' favorevolment il-protokolli tal-Fondazzjoni IFRS u tal-IOSCO dwar il-kooperazzjoni msaħħa fid-dawl tal-kwistjonijiet ewlenin, identifikati mill-G20, fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-suq tat-titoli; jikkunsidra din il-kooperazzjoni neċessarja bil-għan li jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet marbuta mal-istandards tal-kontabilità globali ta' kwalità għolja u biex tkun promossa l-applikazzjoni ta' standards koerenti minkejja kundizzjonijiet ġenerali nazzjonali diverġenti;

10.

Jinsab konvint li l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-IASB u l-IOSCO dwar l-applikazzjoni dejjem ogħla tal-istandards IFRS għandu jitqies mhux biss bħala inventarju iżda wkoll bħala possibilità ta' identifikazzjoni ta' eżempji ta' prassi tajba; jissottolinja f'dan ir-rigward l-organizzazzjoni ta' seduti annwali ta' diskussjoni (“enforcer discussion session”) biex l-IASB jinżamm informat bil-kwistjonijiet ewlenin fil-qasam tal-implimentazzjoni u tal-applikazzjoni;

11.

Jinnota li l-effetti ta' standard tal-kontabilità għandhom jinftiehmu b'mod sħiħ; jinsisti li din għandha tkun prijorità għall-IASB u l-EFRAG li jsaħħu l-analiżijiet tal-impatt tagħhom, partikolarment fil-qasam tal-makroekonomija u jivvalutaw id-diversi ħtiġijiet tal-varjetà wiesgħa ta' partijiet interessati, fosthom l-investituri fit-tul u l-kumpanniji, kif ukoll il-pubbliku inġenerali; jistieden lill-Kummissjoni tfakkar l-EFRAG isaħħaħ il-kapaċità tiegħu ta' valutazzjoni tal-impatt tal-istandards tal-kontabilità l-ġodda relatati mal-istabilità finanzjarja b'attenzjoni espliċita fuq il-ħtiġijiet Ewropej li jmissjhom jiġu introdotti fl-istandardizzazzjoni tal-IASB f'fażi inizjali tal-proċess; jinnota, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' valutazzjoni tal-impatt kwantitattiva għal IFRS 9, li għalih l-ebda data mhi ser tkun disponibbli qabel l-2017; jistieden lill-Kummissjoni taċċerta li l-IFRS 9 iservi lill-istrateġija tal-UE, speċjalment permezz tal-limitazzjoni tal-proviżjonamenti li jafu jintroduċu volatilità eċċessiva f'terminu qasir fir-rapporti finanzjarji; jinnota li l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ESAs) – l-ESMA, l-EBA u l-EIOPA – li għandhom l-għarfien u l-kapaċità li jassistu f'dan il-kompitu, irrifjutaw sħubija sħiħa tal-Bord tal-EFRAG minħabba li l-EFRAG huwa korp privat; iqis li l-BĊE u l- ESAs, bħala osservaturi tal-Bord tal-EFRAG, b'segwitu għar-riforma tal-arranġamenti fil-governanza, jikkontribwixxu b'mod pożittiv biex jitqiesu aħjar l-effetti fuq l-istabilità finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni teżamina, fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament tal-IAS, modi biex jingħata feedback formali sistematiku mill-ESAs;

12.

Jinsab konvint li regoli sempliċi biss jistgħu jkunu applikati b'mod effikaċi mill-utenti u kkontrollati mis-superviżuri; ifakkar li, fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009, il-G20 kien għamel appell għal inqas kumplessità tal-istandards tal-kontabilità għall-istrumenti finanzjarji u biex ikun hemm ċarezza u konsistenza fl-applikazzjoni tal-standards tal-valwazzjoni fuq livell internazzjonali, b'kollaborazzjoni mas-superviżuri; jinsab imħasseb dwar il-kumplessità persistenti tal-IFRS; jitlob li din il-kumplessità titnaqqas kull fejn ikun xieraq u possibbli meta jiġu żviluppati standards ta' kontabilità ġodda; jemmen li sistema ta' standards ta' kontabilità anqas kumplessa ser tikkontribwixxi għal implimentazzjoni aktar uniformi sabiex id-data finanzjarja tal-kumpanniji tkun komparabbli bejn l-Istati Membri;

13.

Jappella għal tfassil obbligatorju ta' rapporti għal kull pajjiż fl-ambitu tal-IFRS; itenni l-fehma tal-Parlament li r-rapporti pubbliċi għal kull pajjiż jistgħu jiżvolġu rwol deċiżiv fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-frodi;

14.

Jitlob lill-IASB, lill-Kummissjoni u lill-EFRAG sabiex jinvolvu lill-Parlament u lill-Kunsill fi stadju bikri meta jkunu qed jiżviluppaw l-istandards ta' rappurtar finanzjarju b'mod ġenerali u fil-proċess ta' konferma b'mod partikolari; huwa tal-opinjoni li l-proċess ta' skrutinju għall-adozzjoni tal-IFRS fl-UE għandu jiġi formalizzat u strutturat b'analoġija mal-proċess ta' skrutinju applikabbli għal miżuri ta' “livell 2” fil-qasam tas-servizzi finanzjarji; jirrakkomanda li l-awtoritajiet Ewropej jistiednu lill-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili jappoġġaw l-attivitajiet tagħhom anki fuq livell tal-EFRAG; jistieden lill-Kummissjoni toħloq spazju għall-partijiet interessati sabiex jiddiskutu l-prinċipji fundamentali tal-kontabilità fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-Parlament Ewropew il-possibilità li jirċievi lista ta' kandidati għall-president tal-bord tal-EFRAG bil-għan li jiġu organizzati seduti ta' smigħ informali qabel il-votazzjoni tal-kandidat propost;

15.

Jinnota, f'dan il-kuntest, li l-Parlament għandu jkollu r-rwol ta' promotur attiv tal-IFRS, sakemm it-talbiet kontenuti f'din ir-riżoluzzjoni jitqiesu b'mod xieraq, peress li hemm evidenza li l-benefiċċji huma ikbar mill-kostijiet;

16.

Jinsab konvint li ekonomija globalizzata għandha bżonn standards tal-kontabilità aċċettati fuq livell internazzjonali; ifakkar, madankollu, li l-konverġenza mhijiex objettiv fiha nnifisha iżda hija biss awspikabbli jekk tissarraf fi standards tal-kontabilità aħjar li jirriflettu orjentament lejn l-interess pubbliku, il-prudenza u l-affidabilità; jemmen, għaldaqstant, li hemm bżonn li għandu jissokta djalogu robust bejn l-IASB u l-korpi inkarigati mit-tfassil tal-istandards tal-kontabilità nazzjonali, minkejja l-progress kajman fil-proċess ta' konverġenza;

17.

Josserva li l-maġġoranza tal-impriżi huma SMEs; josserva l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tesplora mal-IASB il-possibilità li jiġu żviluppati standards ta' kontabilità komuni ta' kwalità għolja u semplifikati għall-SMEs li jistgħu jintużaw fuq livell volontarju fil-livell tal-UE mill-SMEs elenkati taħt Faċilitajiet Multilaterali tan-Negozjar (MTF), u b'mod aktar speċifiku s-swieq tat-tkabbir tal-SMEs; jinnota, f'dan ir-rigward, il-possibiltajiet tal-istandards tar-rappurtar finanzjarju eżistenti għall-SMEs; jemmen li, bħala kundizzjoni biex tissokta l-ħidma f'dan il-qasam, l-IFRS jeħtieġu li jkunu inqas kumplessi u m'għandhomx jippromwovu l-proċikliċità, u li l-interessi tal-SMEs għandhom ikunu rrappreżentati b'mod suffiċjenti fl-IASB; jemmen li l-partijiet interessati kollha għandhom ikunu rappreżentati fuq l-IASB; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt xierqa dwar l-effetti tal-IFRS fuq l-SMEs qabel ma tieħu provvedimenti ulterjuri; jitlob biex żvilupp ta' dan it-tip jiġi mmonitorjat bir-reqqa u li l-Parlament għandu jkun infurmat b'mod sħiħ, b'attenzjoni xierqa tal-proċess lejn “regolamentazzjoni aħjar”;

18.

Jenfasizza li l-korpi inkarigati mill-iffissar tal-istandards illum huma strettament integrati fl-EFRAG; jidentifika, għalhekk, ir-rwol konsultattiv tal-EFRAG fil-każ ta' kwistjonijiet tal-kontabilità relatati ma' kumpanniji żgħar elenkati kif ukoll l-SMEs b'mod aktar ġenerali;

19.

Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-Istati Membri jsegwu l-linji gwida tal-ESMA dwar l-infurzar tal-informazzjoni finanzjarja; jiddeplora l-fatt li bosta Stati Membri ma jikkonformawx u m'għandhomx il-ħsieb li jikkonformaw mal-linji gwida tal-ESMA dwar l-infurzar ta' informazzjoni finanzjarja; jistieden lil dawn l-Istati Membri jaħdmu favur il-konformità; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk is-setgħat tal-ESMA jagħmluhiex possibbli li jiġi żgurat infurzar konsistenti u koerenti madwar l-UE u, jekk mhumiex, teżamina modi oħra biex tiżgura applikazzjoni u infurzar korretti;

20.

Jirrikonoxxi li l-bilanċ bejn il-kamp ta' applikazzjoni obbligatorju tar-Regolament tal-IAS u l-fakultà għall-Istati Membri li jestendu l-użu tal-IFRS fil-livell nazzjonali jiżguraw is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità xierqa;

21.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li teżamina l-possibilità li tikkoordina r-regoli tal-UE dwar id-distribuzzjoni tad-dividend; ifakkar, f'dan ir-rigward, l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva għall-Manutenzjoni tal-Kapital, li jirreferi direttament għal kontijiet annwali ta' kumpannija bħala l-bażi għal deċiżjonijiet dwar it-tqassim ta' dividendi u li jqiegħed ċerti restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjoni ta' dividendi; josserva li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tar-regolament tal-IAS uriet ċerta evidenza li d-differenzi fl-infurzar tal-IFRS bejn l-Istati Membri għadhom jeżistu; jisħaq li r-regoli fil-qasam tal-manteniment tal-kapital u tad-distribuzzjoni tad-dividend ġew iċċitati fir-rapport ta' evalwazzjoni tar-Regolament IAS bħala għajn ta' impunjazzjonijiet legali li tista' tqum f'ċerti ġurisdizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jippermettu jew jirrikjedu l-użu tal-IFRS għar-rapporti finanzjarji annwali individwali li fuqhom huma bbażati l-profitti li jistgħu jiġu distribwiti; jirrimarka li kull Stat Membru jqis il-mod kif jaffronta tali kwistjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fi ħdan il-qafas tar-rekwiżiti tal-manteniment tal-kapital tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tiżgura l-osservanza tad-Direttiva għall-Manutenzjoni tal-Kapital u d-Direttiva dwar il-Kontabbiltà;

22.

Jistieden lill-EFRAG u lill-Kummissjoni jeżaminaw mill-aktar fis possibbli jekk l-istandards tal-kontabilità jippermettu il-frodi u l-evitar tat-taxxa u jagħmlu kull bidla neċessarja biex jikkoreġu u jipprevjenu l-abbuż potenzjali;

23.

Jinnota l-isforzi li għaddejjin biex tittejjeb it-trasparenza u l-komparabbiltà tal-kontijiet pubbliċi permezz tal-iżvilupp ta' Standards Ewropej tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (EPSAS);

L-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-IFRS, l-EFRAG u l-PIOB

24.

Jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-Bord ta' Monitoraġġ tal-Fondazzjoni tal-IFRS għandu jittrasferixxi l-attenzjoni tiegħu mill-kwistjoni tal-organizzazzjoni interna għal diskussjonijiet dwar kwistjonijiet ta' interess pubbliku li jistgħu jiġu riferuti lill-Fondazzjoni tal-IFRS; jemmen, madankollu, li aktar progress għandu jsir fir-rigward tal-governanza tal-fondazzjoni tal-IFRS u tal-IASB, partikolarment f'termini ta' trasparenza, prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u tad-diversità tal-esperti ingaġġati; jindika li l-leġittimità tal-IASB tinsab f'riskju jekk il-Bord ta' Monitoraġġ jibqa' ma jaqbilx dwar ir-responsabbiltà filwaqt li jiddependi mid-deċiżjonijiet b'kunsens; isostni, partikolarment, il-proposta tal-Kummissjoni li tqis il-ħtiġijiet ta' rappurtar tal-investituri b'orizzonti temporali differenti għall-investimenti u li toffri soluzzjonijiet speċifiċi, partikolarment lill-investituri fit-tul, waqt l-iżvilupp tal-istandards tagħhom; jappoġġa integrazzjoni aħjar IASB fis-sistema ta' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u passi biex jiżgura rappreżentanza wiesgħa (bħall-aġenziji ta' rappreżentanza tal-konsumatur u l-ministeri tal-finanzi) ta' interessi u r-responsabbiltà pubblika li jiggarantixxu standards tal-kontabbiltà ta' kwalità għolja;

25.

Jinnota d-dominanza ta' atturi privati fl-IASB; jirrimarka li l-impriżi ta' daqs medju mhuma rappreżentati xejn affattu; jinnota l-fatt li l-Fondazzjoni tal-IFRS tkompli tiddependi mill-kontribuzzjonijiet volontarji, spiss mis-settur privat, li jistgħu jagħtu lok għar-riskju ta' kunflitti ta' interessi; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ il-Fondazzjoni tal-IFRS biex timmira għal struttura ta' finanzjament aktar diversifikata u bilanċjata, inkluż fuq il-bażi ta' tariffi u sorsi pubbliċi;

26.

Jilqa' pożittivament l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-IFRS/tal-IASB f'dak li hu r-rappurtar dwar il-karbonju u l-klima; huwa partikolarment tal-fehma li l-kwistjonijiet strutturali fit-tul ewlenin, bħall-valwazzjoni tal-assi tal-karbonju mhux irkuprabbli fil-karti bilanċjali tal-impriżi għadhom jiżdiedu espliċitament fil-programm ta' ħidma tal-IFRS bil-għan li jiġu żviluppati standards relatati; jitlob lill-korpi tal-IFRS ipoġġu l-isfida tar-rappurtar dwar il-karbonju u r-riskji marbuta mal-karbonju fuq l-aġenda tagħhom;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-EFRAG jeżaminaw il-bidla tal-allokazzjoni tal-assi marbuta mal-pensjonijiet mill-ekwitajiet għall-bonds bħala r-riżultat tal-introduzzjoni tal-kontabilità tal-valwazzjoni skont is-suq fl-ambitu tal-IFRS;

28.

Jappoġġa lill-Kummissjoni meta tħeġġeġ lill-Fondazzjoni tal-IFRS tiżgura li l-użu tal-IFRS u l-eżistenza ta' kontribuzzjoni finanzjarja permanenti huma kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti għas-sħubija mal-korpi ta' tmexxija u ta' monitoraġġ tal-Fondazzjoni tal-IFRS u l-IASB; jistieden lill-Kummissjoni teżamina modi biex tirriforma l-Fondazzjoni tal-IFRS u l-IASB biex jitneħħew id-drittijiet ta' veto tal-Membri li ma jissodisfawx il-kriterji msemmija hawn fuq;

29.

Jistieden lill-Fiduċjarji tal-IFRS, il-Bord ta' Monitoraġġ tal-IFRS u l-IASB jippromwovu bilanċ tal-ġeneru xieraq fi ħdan il-fora rispettivi;

30.

Ifakkar fit-talba magħmula fir-Rapport Goulard għal miżuri biex jissaħħu l-leġittimità demokratika, it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità li, inter alia, jikkonċernaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti, id-djalogu miftuħ mad-diversi partijiet interessati, l-istabbiliment ta' reġistri obbligatorji ta' trasparenza u regoli dwar it-trasparenza ta' laqgħat ta' lobbying kif ukoll regoli interni, b'mod partikolari l-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interessi;

31.

Jenfasizza li r-riforma tal-EFRAG teħtieġ li ttejjeb il-kontribuzzjoni Ewropea għall-iżvilupp tal-IFRS il-ġodda u taf tipparteċipa fir-riforma tal-governanza tal-Fondazzjoni tal-IFRS;

32.

Jiddeplora l-fatt li l-EFRAG ilu jopera għal xi żmien mingħajr resident tal-bord, fid-dawl tal-fatt li dan huwa rwol ewlieni li hu jaqdi biex jintlaħaq kunsens u fl-iżgurar ta' vuċi Ewropea ċara u b'saħħitha dwar materji marbuta mal-kontabilità fil-livell internazzjonali; jisħaq fuq l-importanza li jinħatar mill-aktar fis possibbli president ġdid; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni, biex tħaffef il-proċess ta' reklutaġġ, billi jitqies b'mod xieraq ir-rwol tal-Parlament u l-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji;

33.

Jilqa' r-riforma tal-EFRAG li daħlet fis-seħħ fil-31 ta' Ottubru 2014 u jirrikonoxxi li saru sforzi konsiderevoli f'dan ir-rigward; jinnota t-trasparenza mtejba; jiddeplora l-fatt li, għal dak li għandu x'jaqsam mal-finanzjament tal-EFRAG u, partikolarment, il-possibilità ta' ħolqien ta' sistema ta' imposti obbligatorji mħallsa mill-kumpanniji elenkati, il-Kummissjoni kkonċentrat l-isforzi tagħha fuq l-implimentazzjoni tal-partijiet tar-riforma li huma realizzabbli f'terminu qasir; jitlob lill-Kummissjoni tieħu passi formali – hekk kif jirrakkomanda r-rapport Maystadt – biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri li għad ma għandhomx Mekkaniżmu ta' Finanzjament Nazzjonali biex joħolqu wieħed; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għall-estensjoni tal-Programm tal-Unjoni għall-EFRAG għall-perjodu 2017-2020; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni annwali komprensiva tar-riforma miftehma tagħha, kif prevista fl-Artikolu 9(3) u 9(6) tar-Regolament (UE) Nru 258/2014; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-opportunità u l-possibilità ta' trasformazzjoni tal-EFRAG f'aġenzija pubblika fit-tul;

34.

Jiddeplora l-fatt li r-rekwiżit, issuġġerit minn Maystadt, li l-funzjonijiet tas-CEO tal-EFRAG u tal-President tal-EFRAG TEG għandhom ikunu kkombinati, inbidel f'possibilità; josserva li l-kompożizzjoni tal-bord il-ġdid tiddevja mill-proposta ta' Maystadt billi l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-Bank Ċentrali Ewropew irrifjutaw li jaċċettaw is-sħubija sħiħa fil-bord; jistieden lill-EFRAG iwessa' n-numru ta' utenti, attwalment wieħed biss, fil-bord u jiżgura li l-partijiet interessati kollha rilevanti jkunu rappreżentati fl-EFRAG;

35.

Jilqa' l-fatt li fl-2014 il-PIOB iddiversifika l-finanzjament tiegħu; jinnota li l-finanzjament totali pprovdut mill-IFAC kien ta' 58 %, li filwaqt li jammonta għal proporzjon sinifikanti tal-finanzjament tal-PIOB, huwa ferm taħt il-limitu ta' żewġ terzi u li għaldaqstant ma kienx hemm lok li l-Kummissjoni tillimita l-kontribuzzjoni annwali tagħha, kif stipulat fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 258/2014; jistieden lill-PIOB iżid l-isforzi tiegħu biex jiżgura l-integrità fil-professjoni tal-verifika;

o

o o

36.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.

(3)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 74.

(4)  ĠU L 105, 8.4.2014, p. 1.

(5)  ĠU L 340, 22.12.2007, p. 66.

(6)  ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 94.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2016)0108.

(8)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.

(9)  ĠU L 158, 27.5.2014, p. 196.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/33


P8_TA(2016)0249

Operazzjonijiet ta' Appoġġ għall-Paċi – l-involviment tal-UE man-NU u l-Unjoni Afrikana

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-Operazzjonijiet ta’ Appoġġ għall-Paċi – l-involviment tal-UE man-NU u l-Unjoni Afrikana (2015/2275(INI))

(2018/C 086/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 21, 41, 42 u 43 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 220 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u b'mod partikolari l-Kapitoli VI, VII u VIII tagħha,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-1 ta' April 2015,“Partnering for peace: moving towards partnership peacekeeping” (Kooperazzjoni għall-paċi: lejn iż-żamma ta' paċi fi sħbuija) (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-28 ta' April 2015 dwar “It-tisħiħ tal-kapaċitajiet sabiex jitwieżnu s-sigurtà u l-iżvilupp – L-għoti tas-setgħa lis-sħab sabiex jipprevjenu u jiġġestixxu l-kriżijiet” (2),

wara li kkunsidra r-rapport tas-16 ta' Ġunju 2015 tal-Grupp ta' Esperti Indipendenti ta' Livell Għoli tan-NU dwar l-Operazzjonijiet ta' Paċi (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula fit-28 ta' Settembru 2015 waqt il-Leader's Summit on Peace-Keeping (Summit tal-Mexxejja dwar iż-Żamma tal-Paċi) mlaqqa' mill-President tal-Istati Uniti, Barack Obama,

wara li kkunsidra d-dokumenti tal-14 ta' Ġunju 2012“Plan of Action to enhance EU CSDP support to UN peacekeeping” (4) (Pjan ta' Azzjoni biex jissaħħaħ is-sostenn PSDK tal-UE favur l-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi tan-NU) u tat-27 ta' Marzu 2015“Strengthening the UN-EU Strategic Partnership on Peacekeeping and Crisis Management: Priorities 2015-2018” (It-Tisħiħ tas-Sħubija Strateġika NU-UE dwar iż-żamma tal-paċi u l-ġestjoni tal-kriżi: Prijoritajiet 2015-2018) (5),

wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika (JAES) li ntlaħaq qbil dwarha waqt it-tieni Summit bejn l-UE u l-Afrika li sar f'Lisbona bejn it-8 u d-9 ta' Diċembru 2007 (6) u l-Pjan Direzzjonali tal-JAES għall-perjodu 2014-2017 maqbul waqt ir-raba' Summit bejn l-UE u l-Afrika li sar fi Brussell bejn it-2 u t-3 ta' April 2014 (7),

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 3 tal-2011 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar “L-effiċjenza u l-effettività tal-kontribuzzjonijiet tal-UE mwassla permezz ta’ Organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti f’pajjiżi milquta minn kunflitti”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar ir-rwol tal-UE fin-NU – kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tad-9 ta' Diċembru 2015 dwar “L-evalwazzjoni tal-Fond għall-Paċi fl-Afrika wara għaxar snin: effikaċja u prospetti għall-ġejjieni”,

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida ta' Oslo dwar l-użu tal-mezzi militari u tal-protezzjoni ċivili fl-ambitu ta' interventi internazzjonali f'każ ta' diżastri ta' Novembru 2007,

wara li kkunsidra l-Artikolu 4h u 4j tal-Att Kostituttiv tal-Unjoni Afrikana,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (9),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tal-15 ta' Ottubru 2012 dwar “L-għeruq ta' demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0158/2016),

A.

billi l-Operazzjonijiet ta' Appoġġ għall-Paċi (PSOs) huma forma ta' rispons għall-kriżijiet, normalment b'sostenn għal organizzazzjoni rikonoxxuta fuq livell internazzjonali bħan-NU jew l-Unjoni Afrikana (UA), b'mandat tan-NU, u maħsuba biex jipprevjenu l-kunflitt armat, jiksbu lura, iżommu jew jsaħħu l-paċi, jinfurzaw il-ftehimiet ta' paċi u jindirizzaw l-emerġenzi u l-isfidi kumplessi maħluqa minn stati dgħajfa jew li qegħdin ifallu; billi l-istabbiltà fil-viċinat tal-Afrika u tal-Ewropa tkun ta' benefiċċju għall-pajjiżi kollha tagħna;

B.

billi l-għan tal-PSOs huwa li jgħinu sabiex jinħolqu ambjenti stabbli, siguri u aktar prosperi għal perjodu ta' żmien itwal; billi l-governanza tajba, il-ġustizzja, ir-rispett akbar għall-istat tad-dritt, il-protezzjoni taċ-ċivili, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u s-sigurtà huma l-prekundizzjonijiet essenzjali għal dan, u l-programmi ta' rikonċiljazzjoni, rikostruzzjoni u ta' żvilupp ekonomiku li jirnexxu jgħinu sabiex jitwasslu paċi u prosperità awtosostenibbli;

C.

billi l-kuntest tas-sigurtà fl-Afrika b'mod partikolari nbidel b'mod drammatiku fl-aħħar deċennju, bil-preżenza ta' gruppi terroristiċi u ta' ribelli fis-Somalja, fin-Niġerja u fir-reġjun tas-Saħel-Saħara, u bl-operazzjonijiet ta' infurzar ta' paċi u operazzjonijiet kontra t-terroriżmu jsiru r-regola minflok l-eċċezzjoni f'ħafna żoni; billi qed jiżdied in-numru ta' stati fraġli u ta' żoni mingħajr gvern, li jħallu ħafna nies milquta mill-faqar, mil-illegalità, mill-korruzzjoni u mill-vjolenza; billi l-konfini porużi fil-kontinent jgħinu biex jixprunaw il-vjolenza, inaqqsu s-sigurtà u jipprovdu opportunitajiet għal attività kriminali;

D.

billi, fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli l-ġdida, il-paċi ġiet rikonoxxuta bħala komponent essenzjali għall-iżvilupp u ġie introdott l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) nru 16 dwar il-paċi u l-ġustizzja;

E.

billi l-organizzazzjonijiet u n-nazzjonijiet mogħnija bit-tagħmir u l-esperjenza xierqa, idealment b'mandat ċar u realistiku tan-NU, għandhom jipprovdu dawk ir-riżorsi militari meħtieġa għal PSO ta' suċċess, sabiex jgħinu ħalli jinħolqu ambjenti siguri sabiex l-organizzazzjonijiet ċivili jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom;

F.

billi n-NU jibqgħu l-organizzazzjoni li tiggarantixxi l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u għandhom l-aktar qafas komprensiv għal kooperazzjoni multilaterali fil-ġestjoni tal-kriżijiet; billi bħalissa hemm għaddejjin 16-il operazzjoni tan-NU għaż-żamma tal-paċi b'aktar minn 120 000 membru tal-persunal skjerati, aktar minn qatt qabel; billi aktar minn 87 % tal-persunal tan-NU għaż-żamma tal-paċi huma skjerati fi tmien missjonijiet fl-Afrika; billi n-NU huma limitati fil-kamp ta' applikazzjoni tal-operazzjonijiet tagħhom;

G.

billi l-UA topera f'limitazzjonijiet differenti minn dawk tan-NU u billi tista' tieħu pożizzjoni, tintervjeni mingħajr stedina u tintervjeni meta ma jkun ġie ffirmat ebda ftehim ta' paċi, filwaqt li tibqa' tirrispetta l-Karta tan-NU; billi minħabba l-għadd ta' kunflitti interstatali u intrastatali fl-Afrika din hija differenza importanti;

H.

billi n-NATO pprovdiet appoġġ lill-UA, inkluż lil AMIS (Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Sudan) fid-Darfur u lil AMISOM (Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja) fis-Somalja, bi ppjanar u b'mezzi strateġiċi ta' rkupru fl-ajru u fuq il-baħar u bit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront (ASF);

I.

billi l-kriżijiet fl-Afrika jeħtieġu reazzjoni globali koerenti li tmur lil hinn sempliċement mill-aspetti tas-sigurtà; billi l-paċi u s-sigurtà huma prekondizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp, u billi l-atturi lokali u internazzjonali kollha enfasizzaw il-ħtieġa għal koordinament mill-qrib bejn il-politika ta' sigurtà u ta' żvilupp; billi hemm bżonn ta' perspettiva fuq terminu twil; billi r-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà u d-diżarm, id-demobilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid ta' ex kombattenti jistgħu jkunu importanti biex jintlaħqu l-għanijiet ta' stabbiltà u żvilupp; billi l-Uffiċċju ta' Kollegament tan-NU għall-Paċi u s-Sigurtà u l-Missjoni Permanenti tal-Unjoni Afrikana fi Brussell għandhom rwol essenzjali fl-iżvilupp ta' relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet tagħhom u l-UE, in-NATO u l-ambaxxati nazzjonali;

J.

billi l-mekkaniżmu primarju ta' kooperazzjoni Ewropea mal-UA hi l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA), oriġinarjament imwaqqfa fl-2004 u li tipprovdi madwar EUR 1,9 biljun permezz tal-FEŻ iffinanzjat mill-Istati Membri; billi l-FPA kienet stabbilita fl-2003, il-finanzjament tagħha permezz tal-fondi tal-FEŻ kien previst li jkun wieħed provviżorju, iżda 12-il sena wara l-FEŻ għadu s-sors ewlieni ta' finanzjament għall-FPA; billi fl-2007 l-ambitu tal-FPA ġiet estiża sabiex tkopri firxa usa' ta' attivitajiet ta' prevenzjoni tal-kunflitti u ta' attivitajiet ta' stabbilizzazzjoni ta' wara l-kunflitt; billi l-programm ta' azzjoni 2014-2016 jieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni esterna u l-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u jintroduċi elementi ġodda sabiex itejjeb l-effikaċja tiegħu; billi l-Artikolu 43 TUE jirreferi għall-hekk imsejħa “kompiti ta' Petersberg Plus”, li jkopru kompiti ta' konsulenza u assistenza militari, kompiti ta' prevenzjoni ta' kunflitti u taż-żamma tal-paċi, u kompiti ta' forzi ta' ġlied fl-immaniġġar ta' kriżijiet, inklużi l-istabbiliment tal-paċi u l-istabbilizzazzjoni wara l-kunflitti; billi fl-2014 aktar minn 90 % tal-baġit ġie allokat għal PSOs, li minnhom 65 % kienu għal persunal tal-AMISOM; billi t-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-Unjoni Afrikana u tal-komunitajiet ekonomiċi reġjonali Afrikani hi essenzjali għas-suċċess tal-PSOs u tal-proċessi ta' rikonċiljazzjoni u ta' riabilitazzjoni wara kunflitt;

K.

billi r-rwol tal-UE għandu jitqies fil-kuntest tal-kontributi magħmula lill-PSOs minn għadd kbir ta' pajjiżi u organizzazzjonijiet; billi, pereżempju, l-Istati Uniti huma l-akbar kontributur finanzjarju tad-dinja għall-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi tan-NU u tipprovdi appoġġ dirett lill-UA permezz tas-Sħubija Afrikana tiegħu ta' Rispons Rapidu għaż-Żamma tal-Paċi, kif ukoll bejn wieħed u ieħor USD 5 biljun b'sostenn għall-operazzjonijiet tan-NU fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, fil-Mali, fil-Kosta tal-Avorju, fis-Sudan t'Isfel u fis-Somalja; billi dawn is-sorsi ta' finanzjament differenti jiġu koordinati mill-Grupp ta' Msieħba tal-Unjoni Afrikana dwar il-paċi u s-sigurtà; billi ċ-Ċina saret parteċipant attiv fl-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi tan-NU u l-Forum ta' Kooperazzjoni bejn iċ-Ċina u l-Afrika jinkludi l-Kummissjoni tal-UA; billi, wara l-Etjopja, l-Indja, il-Pakistan u l-Bangladesh huma l-akbar fornituri ta' persunal li jaħdmu b'riżq iż-żamma tal-paċi tan-NU;

L.

billi l-pajjiżi Ewropej u l-UE nnifisha huma kontributuri ewlenin għas-sistema tan-NU, partikolarment sabiex jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-programmi u l-proġetti tan-NU; billi Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit huma l-akbar kontributuri Ewropej għall-baġit tal-PKOs (Operazzjonijiet ta' Żamma ta' Paċi) tan-NU; billi l-Istati Membri tal-UE, b'madwar 37 % tal-finanzjament, huma kollettivament l-akbar kontributur għall-baġit tan-NU għaż-żamma ta' paċi, u billi bħalissa qed jikkontribwixxu truppi għal disa' missjonijiet għaż-żamma tal-paċi; billi, barra minn hekk, fl-2014 u fl-2015 l-impenji finanzjarji tal-UE lejn l-UA ammontaw għal EUR 717,9 miljun u l-kontribuzzjonijiet tal-UA bilkemm kienu jlaħħqu EUR 25 miljun; billi l-pajjiżi Ewropej jikkontribwixxu biss madwar 5 % tal-persunal tan-NU għaż-żamma tal-paċi, b' 5 000 truppa minn total ta' madwar 92 000; billi, madankollu, Franza, pereżempju, kull sena tħarreġ 25 000 suldat Afrikan u apparti dan tħaddem aktar minn 4 000 membru tal-persunal f'PKOs Afrikani;

M.

billi l-mini kontra l-persunal kienu ostakolu kbir għar-riabilitazzjoni u l-iżvilupp wara l-kunflitti, mhux l-inqas fl-Afrika, u l-UE nefqet madwar EUR 1,5 biljun fl-aħħar 20 sena fuq proċessi ta' appoġġ għat-tneħħija tal-mini u ta' għajnuna għall-vittmi tal-mini, u b'hekk saret l-akbar donatur f'dan il-qasam;

N.

billi, minbarra r-rwol tal-pajjiżi Ewropej individwali, l-UE għandha kontribut distintiv x'tagħmel lill-PSOs permezz ta' riżorsi finanzjarji u b'azzjonijiet multidimensjonali; billi l-UE qed tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju lill-UA u lill-organizzazzjonijiet subreġjonali, b'mod partikolari permezz tal-FPA, u bl-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi u bil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp; billi l-UE qed twettaq azzjonijiet ta' konsulenza u ta' taħriġ fil-qafas tal-missjonijiet tal-PSDK tagħha, biex b'hekk tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet Afrikani fil-ġestjoni tal-kriżijiet;

O.

billi il-ħames missjonijiet ċivili tal-UE u l-erba' operazzjonijiet militari tal-UE li għaddejjin bħalissa fl-Afrika ta' spiss jaħdmu flimkien jew f'sekwenza man-NU, l-UA jew mal-azzjonijiet nazzjonali;

P.

billi l-UE hija impenjata sabiex tgħin fit-tisħiħ tal-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà, b'mod partikolari billi tappoġġa l-operazzjonalizzazzjoni tal-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront (ASF);

Q.

billi l-Kunsill Ewropew talab li l-UE u l-Istati Membri tagħha jsaħħu l-appoġġ tagħhom lill-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet imsieħba, permezz tal-għoti ta' taħriġ, konsulenza, tagħmir u riżorsi, sabiex ikunu jistgħu dejjem aktar jipprevjenu jew jimmaniġġjaw il-kriżijiet waħedhom; billi hemm ħtieġa ċara għal interventi ta' tisħiħ reċiproku fl-oqsma tas-sigurtà u tal-iżvilupp bil-għan li tintlaħaq dan l-għan;

R.

billi l-UE għandha tappoġġa l-azzjonijiet ta' oħrajn li jistgħu jkunu f'qagħda aħjar li jaqdu rwoli partikolari, billi tevita d-duplikazzjoni u tgħin biex tissaħħaħ il-ħidma ta' dawk li huma diġà preżenti fuq il-post, b'mod partikolari l-Istati Membri;

S.

billi l-Artikolu 41(2) TUE jipprojbixxi nfiq mill-baġits għal operazzjonijiet b'implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, filwaqt li ma jeskludix b'mod espliċitu il-finanzjament mill-UE ta' kompiti militari bħal attivitajiet ta' bini tal-paċi mal-objettivi ta' żvilupp; billi dawn l-ispejjeż komuni huma imposti lill-Istati Membri skont il-mekkaniżmu Athena; billi, filwaqt li l-objettiv primarju tal-politika għall-iżvilupp tal-UE huwa t-tnaqqis tal-faqar, u fuq terminu twil, il-qerda tal-faqar, l-Artikoli 209 u 212 tat-TFUE ma jeskludux b'mod espliċitu l-finanzjament tal-bini tal-kapaċitajiet fis-settur tas-sigurtà; billi l-FEŻ u l-FPA, bħala strumenti barra mill-baġit tal-UE, huma rilevanti biex tiġi indirizzata r-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp; billi l-FEŻ jipprevedi li l-programmar jiġi ddisinjat biex jissodisfa l-kriterji tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA), li ġeneralment jeskludu l-ispejjeż relatati mad-drittijiet ta' sigurtà; billi l-UE qed taħdem fuq il-possibbiltà ta' aktar strumenti ddedikati fil-kuntest tal-inizjattiva tagħha dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet f'Appoġġ għas-Sigurtà u l-Iżvilupp (CBSD);

T.

billi l-ħtiġijiet tal-pajjiżi kkonċernati u tas-sigurtà Ewropea għandhom ikunu l-prinċipji gwida għall-involviment tal-UE;

1.

Jissottolinja l-ħtieġa ta' azzjonijiet esterni koordinati li jagħmlu użu mill-istrumenti ta' diplomazija, sigurtà u żvilupp biex terġa' tinġieb il-fiduċja u jingħelbu l-isfidi kkawżati mill-gwerer, mill-kunflitti interni, mill-insigurtà, mill-fraġilità u mit-tranżizzjoni;

2.

Josserva li l-iskjerament ta' missjonijiet multipli awtorizzati min-NU fl-istess żona ta' operazzjonijiet, b'atturi u organizzazzjonijiet reġjonali differenti, qed isir dejjem aktar ir-realtà ta' operazzjonijiet tal-paċi moderni; jissottolinja li l-ġestjoni ta' dawn is-sħubijiet kumplessi, mingħajr duplikazzjoni tax-xogħol jew tal-missjonijiet, hija essenzjali għas-suċċess tal-operazzjonijiet; f'dan ir-rigward, jappella għall-evalwazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-istrutturi eżistenti;

3.

Jenfasizza l-importanza ta' komunikazzjoni bikrija u proċeduri msaħħa għal konsultazzjoni dwar il-kriżijiet man-NU u mal-UA, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet oħrajn bħan-NATO u l-OSKE; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, inkluż dwar l-ippjanar, it-tmexxija u l-analiżi tal-missjonijiet; jilqa' l-iffinalizzar u l-iffirmar ta' arranġament amministrattiv bejn in-NU u l-UE dwar l-iskambju ta' informazzjoni klassifikata; jirrikonoxxi l-importanza tal-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE u d-djalogu politiku tal-UE-UA dwar il-paċi u s-sigurtà; jissuġġerixxi li jintlaħaq ftehim bejn l-UA, l-UE u atturi ewlenin oħrajn u n-NU dwar ġabra ta' għanijiet komuni għas-sigurtà u l-iżvilupp fl-Afrika;

4.

Iħeġġeġ lill-UE, minħabba l-kobor tal-isfidi u l-involviment kumpless ta' organizzazzjonijiet u nazzjonijiet oħrajn, sabiex tfittex tqassim xieraq tax-xogħol u biex tiffoka fuq fejn l-aħjar li tista' żżid il-valur; jinnota li għadd ta' Stati Membri diġà huma involuti f'operazzjonijiet fl-Afrika, u l-UE tista' tiġġenera valur miżjud reali billi tappoġġa aktar dawn l-operazzjonijiet;

5.

Jinnota li, f'ambjent ta' sigurtà dejjem aktar kumpless, il-missjonijiet tan-NU u tal-UA jeħtieġu approċċ komprensiv li taħtu, minbarra l-użu ta' strumenti militari, diplomatiċi u ta' żvilupp, fatturi essenzjali oħrajn ikunu l-għarfien dettaljat tal-ambjent ta' sigurtà, l-iskambji ta' intelligence u informazzjoni u teknoloġiji moderni, l-għarfien tal-miżuri għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra l-kriminalità f'żoni ta' kunflitt u f'żoni ta' wara l-kunflitt, l-użu ta' abilitaturi kritiċi, l-għoti ta' għajnuna umanitarja u r-ristabbiliment tad-djalogu politiku, li l-pajjiżi Ewropej jistgħu jgħinu biex jipprovdu; jinnota l-ħidma li diġà qed titwettaq minn Stati Membri speċifiċi, kif ukoll minn organizzazzjonijiet multinazzjonali oħrajn f'dan il-qasam;

6.

Jenfasizza l-importanza ta' strumenti oħra tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u, b'mod partikolari, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; ifakkar li l-UE qed tintervjeni fl-Afrika biex tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni ta' pajjiżi li qed jiffaċċjaw kriżijiet, partikolarment permezz ta' missjonijiet ta' taħriġ; jissottolinja r-rwol tal-missjonijiet tal-PSDK, kemm ċivili kif ukoll militari, bħala appoġġ għar-riformi fis-settur tas-sigurtà u bħala kontribut għall-istrateġija tal-immaniġġjar tal-kriżijiet internazzjonali;

7.

Jinnota li l-leġittimità perċepita tal-PSO hi fundamentali għas-suċċess tagħha; jemmen għalhekk li l-UA għandha tikkontribwixxi b'forzi militari u ta' sostenn kull fejn ikun possibbli; jinnota li dan huwa importanti wkoll fir-rigward tal-għanijiet ta' awtodixxiplina fuq il-perjodu twil ta' żmien tal-UA;

8.

Jilqa' l-fatt li l-programm ta' azzjoni l-ġdid tal-FPA jindirizza n-nuqqasijiet u jagħmel enfasi aktar qawwija fuq l-istrateġiji tal-ħruġ, il-kondiviżjoni akbar tal-piżijiet mal-pajjiżi Afrikani, l-appoġġ aktar immirat u l-proċeduri mtejba ta' teħid tad-deċiżjonijiet;

9.

Jilqa' s-Sħubija Strateġika bejn in-NU u l-UE dwar iż-Żamma tal-Paċi u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, kif ukoll tal-prijoritajiet tagħha għall-perjodu 2015-2018, kif maqbula f'Marzu 2015; jinnota li l-missjonijiet tal-passat u dawk attwali tal-PSDK intiżi għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, u jqis r-rwol ewlieni ta' organizzazzjonijiet oħrajn, inklużi organizzazzjonijiet pan-Afrikani u reġjonali, u tal-pajjiżi f'dawn l-oqsma; jappella lill-UE twettaq aktar sforzi biex tiffaċilita il-kontributi tal-Istati Membri; ifakkar li l-UE impenjat ruħha f'attivitajiet ta' maniġġjar ta' kriżijiet fl-Afrika, intiżi għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, f'konformità mal-Karta tan-NU; jinnota li 11-il Stat Membru tal-UE biss minn 28 impenjaw ruħhom waqt is-Summit tal-Mexxejja dwar iż-Żamma tal-Paċi tat-28 ta' Settembru 2015, filwaqt li ċ-Ċina wiegħdet forza ta' intervent fil-pront ta' 8 000 u l-Kolombja wiegħdet 5 000 truppa; jappella lill-Istati Membri tal-UE sabiex iżidu b'mod sinifikanti l-kontributi militari u ta' pulizija tagħhom għall-missjonijiet taż-żamma ta' paċi tan-NU;

10.

Jissottolinja l-ħtieġa għal rispons rapidu mill-Afrika għall-kriżi u jidentifika r-rwol ewlieni tal-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront (ASF) f'dan il-qasam; jissottolinja l-kontribut ewlieni tal-UE, permezz tal-FPA u l-finanzjament tal-UA, li jippermetti lill-UA ssaħħaħ il-kapaċità tagħha sabiex tipprovdi rispons kollettiv għall-kriżijiet fil-kontinent; iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet reġjonali, bħall-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) u l-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC), biex iżidu l-isforzi tagħhom fil-qasam ta' risponsi Afrikani rapidi għall-kriżijiet u biex jikkumplimentaw l-isforzi tal-UA;

11.

Jenfasizza, madankollu, l-importanza ta' aktar investiment fil-prevenzjoni ta' konflitti, filwaqt li jitqiesu fatturi bħalma huma r-radikalizzazzjoni politika u reliġjuża, vjolenza relatata mal-elezzjonijiet, l-ispostamenti tal-popolazzjoni u t-tibdil fil-klima;

12.

Jirrikonoxxi l-kontribut importanti tal-Faċilità għall-Paċi Afrikana fl-iżvilupp ta' sħubija triangolari bejn in-NU, l-UE u l-UA; jemmen li din il-faċilità tipprovdi kemm punt ta' dħul u ta' lieva potenzjali għall-ħolqien ta' sħubija aktar b'saħħitha bejn l-UE u l-UA u wriet li hi indispensabbli biex jippermetti lill-UA, u permezz tagħha lit-tmien Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali (RECs), biex jippjanaw u jimmaniġġjaw l-operazzjonijiet tagħhom; iqis li huwa vitali li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jibqgħu impenjati mill-qrib sabiex il-Faċilità tkun użata bis-sħiħ filwaqt li l-UA turi livelli ogħla ta' effiċjenza u trasparenza fl-użu tal-fondi; hu tal-fehma li l-FPA għandha tiffoka fuq l-appoġġ strutturali aktar milli sempliċement tiffinanzja l-paga tal-forzi Afrikani; jirrikonoxxi li hemm mekkaniżmi ta' finanzjament oħrajn li qegħdin jintużaw, iżda jemmen li minħabba l-enfasi waħdanija tal-Faċilità fuq l-Afrika, kif ukoll l-għanijiet ċari tagħha, dan huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-PSOs fl-Afrika; iqis li l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (OSĊ) li jaħdmu fuq il-konsolidament tal-paċi fl-Afrika għandhom jingħataw l-opportunità biex jagħtu l-opinjoni tagħhom, bħala parti minn involviment aktar strateġiku mal-OSĊ dwar il-paċi u s-sigurtà; jibqa' mħasseb dwar il-problemi kontinwi ta' finanzjament u rieda politika min-naħa tal-pajjiżi Afrikani; jinnota l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2012 li jiddikjaraw li “finanzjament alternattiv għall-finanzjament mill-FEŻ, ser ikollhom jiġu kkunsidrati”;

13.

Josserva li l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni militari Ewropea tista' jżid l-effiċjenza u l-effettività tal-kontribut tal-Ewropa għall-missjonijiet ta' paċi tan-NU;

14.

Jilqa', fid-dawl tal-importanza kbira tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet Afrikani, it-twettiq b'suċċess tal-eżerċizzju Amani Africa II f'Ottubru 2015, li kien jinvolvi aktar minn 6 000 parteċipant militari, ta' pulizija u ċivili u qed iħares 'il quddiem bil-ħerqa għall-operazzjonalizzazzjoni tal-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront (ASF) b'25 000 parteċipant mill-aktar fis possibbli fl-2016;

15.

Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lil membri oħrajn tal-komunità internazzjonali, sabiex jgħinu fit-taħriġ, inkluż fid-dixxiplina, it-tagħmir, fl-appoġġ loġistiku u fl-iżvilupp ta' regoli tal-ingaġġ (RoE), bil-għan li jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw lill-Istati Afrikani bis-sħiħ u biex jissoktaw bl-impenn tagħhom b'riżq l-ASF; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, promozzjoni aktar attiva tal-ASF fil-bliet kapitali Afrikani mill-ambaxxati tal-Istati Membri u mid-delegazzjonijiet tal-UE; jemmen li l-ODA għandha titfassal mill-ġdid taħt il-qafas tal-OECD permezz ta' lentijiet ta' tisħiħ ta' paċi; iqis li r-regolament tal-FEŻ għandu jiġi rivedut sabiex jippermetti t-tfassil ta' programmazzjoni li tinkludi l-infiq għall-paċi, is-sigurtà u l-ġustizzja li jkollu motivazzjoni relatati mal-iżvilupp;

16.

Jinnota l-importanza ta' missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) għas-sigurtà fl-Afrika, b'mod partikolari b'missjonijiet ta' taħriġ u ta' appoġġ għall-forzi Afrikani, u b'mod speċjali l-EUTM Mali (missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali), il-EUCAP Sahel Mali (Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali) u l-EUCAP Sahel Niger (missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer), il-EUTM Somalja (Missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja) u l-EUCAP Nestor (Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika); jinnota li appoġġ addizzjonali pprovdut minn dawk il-missjonijiet għall-isforzi ta' missjonijiet oħra mmexxija min-Nazzjonijiet Uniti; jappella lill-UE biex iżżid il-kapaċitajiet ta' dawn il-missjonijiet ta' taħriġ, b'mod partikolari billi tippermetti lis-suldati Afrikani li ġew imħarrġa, jiġu mmonitorjati u wara r-ritorn tagħhom minn żoni tal-operazzjonijiet;

17.

Jinsisti li la l-UE u lanqas l-Istati Membri, fl-appoġġ tagħhom għall-PSOs, ma għandhom jaġixxu f'iżolament iżda għandhom, minflok, iqisu l-kontributi ta' atturi internazzjonali oħrajn, għandhom itejbu il-koordinament magħhom u r-rapidità tar-rispons, kif ukoll jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq ċerti pajjiżi prijoritarji, bl-użu tal-aktar Stati Membri u Stati Afrikani b'esperjenza u adattati bħala nazzjonijiet mexxejja; jissottolinja l-importanza tal-komunitajiet ekonomiċi reġjonali fl-arkitettura tas-sigurtà Afrikana; jinnota r-rwol li d-delegazzjonijiet tal-UE jista' jkollhom bħala faċilitaturi ta' koordinament fost l-atturi internazzjonali;

18.

Jappoġġa approċċ olistiku mill-UE, li hu l-istrument ewlieni biex jimmobilizza l-potenzjal sħiħ ta' azzjoni tal-UE fil-kuntest ta' operazzjonijiet ta' żamma paċi u fil-proċess ta' stabbilizzazzjoni, kif ukoll għall-mobilizzazzjoni ta' diversi modi ta' appoġġ għall-iżvilupp tal-pajjiżi tal-UA;

19.

Jenfasizza li l-assistenza għall-ġestjoni tal-fruntieri għandha tkun prijorità għall-impenn tal-UE fl-Afrika; jinnota li l-konfini porużi huma wieħed mill-fatturi prinċipali wara ż-żieda fit-terroriżmu fl-Afrika;

20.

Jilqa' l-Komunikazzjoni Konġunta dwar it-tisħiħ tal-kapaċità u jingħaqad mal-Kunsill sabiex jappella għall-implimentazzjoni urġenti tagħha; jindika l-potenzjal tal-UE, partikolarment permezz tal-approċċ komprensiv tagħha li jkopri mezzi ċivili u militari, biex jgħinu jsaħħu s-sigurtà f'pajjiżi fraġli u milquta minn kunflitti u biex tindirizza l-ħtiġijiet tal-imsieħba tagħna, b'mod partikolari r-riċevituri militari, filwaqt li jtenni li s-sigurtà hi prekondizzjoni għall-iżvilupp u d-demokrazija; jiddispjaċih li la l-Kummissjoni Ewropea u lanqas il-Kunsill ma kkondividew mal-Parlament Ewropew il-valutazzjoni tagħhom rigward l-għażliet legali b'appoġġ għall-bini ta' kapaċità; jappella liż-żewġ istituzzjonijiet jinformaw lill-Parlament Ewropew dwar dan fi żmien debitu; jappella lill-Kummissjoni Ewropea tissuġġerixxi bażi ġuridika f'konformità mal-objettivi Ewropej oriġinali tal-2013 deskritti fl-inizjattiva “Ippermetti u Ħeġġeġ”;

21.

Jindika li l-kontribut tas-Servizz Legali tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2015, bl-isem “It-tisħiħ tal-kapaċitajiet sabiex jitwieżnu s-sigurtà u l-iżvilupp – Mistoqsijiet Legali”, tissuġġerixxi modi u mezzi ta' materjal ta' finanzjament għall-forzi militari tal-pajjiżi Afrikani; jappella lill-Kunsill biex ikompli din id-diskussjoni;

22.

Jilqa' r-rispons pożittiv riċevut minn Franza wara l-attivazzjoni tal-Artikolu 42(7); jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni mill-ġdid tal-forzi armati Ewropej fl-Afrika;

23.

Jirrikonoxxi li l-problema sikwit ma tkunx in-nuqqas ta' finanzjament iżda pjuttost il-mod kif jintefqu l-fondi u x'riżorsi oħrajn jiġu utilizzati; jinnota li r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri rigward il-fondi tal-UE għadhom ma ġewx implimentati kompletament; jappella biex isiru rieżamijiet regolari ta' kif qegħdin jintefqu l-fondi mill-gvernijiet nazzjonali permezz tal-UE u n-NU; jemmen li huwa essenzjali li l-fondi jintużaw b'mod effikaċi, minħabba n-natura definita tagħhom u l-iskala tal-problemi li jiġu ffaċċjati; jemmen li r-responsabbiltà hi parti essenzjali ta' dan il-proċess, kif ukoll tgħin biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni endemika fl-Afrika; jinsisti fuq evalwazzjoni trasparenti u aktar bir-reqqa tal-PSOs appoġġati mill-UE; jappoġġa l-inizjattivi bħall-Fond Fiduċjarju Békou li jopera fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, li għandu l-għan li jakkomuna r-riżorsi Ewropej relatati mal-iżvilupp, l-għarfien espert u l-kapaċitajiet sabiex tingħeleb il-frammentazzjoni u l-ineffikaċja ta' azzjoni internazzjonali fil-kuntest ta' rikostruzzjoni tal-pajjiż; jappella għal aktar programmazzjoni konġunta sistematika fost id-diversi strumenti tal-UE;

24.

Jinnota li fil-15 ta' Mejju 2015 ir-Rapport ta' Evalwazzjoni tan-NU dwar l-Infurzar u l-Isforzi ta' Għajnuna għal Rimedju għal Sfruttament u Abbuż Sesswali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Persunal Relatat f'Operazzjonijiet ta' Żamma ta' Paċi, iqis li l-UA, in-NU, l-UE u l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw viġilanza qawwija dwar tali materji kriminali u jħeġġeġ l-aktar proċeduri ġudizzjarji rigorużi u dixxiplinarji u biex isir l-ikbar sforz possibbli biex jipprevjenu reati ta' dan it-tip; jirrakkomanda, barra minn hekk, it-taħriġ u l-edukazzjoni xierqa tal-persunal tal-PKO u jemmen li l-ħatra ta' persunal nisa u ta' konsulenti dwar il-ġeneru jista' jgħin biex jingħelbu l-kunċetti kulturali żbaljati u jnaqqsu l-okkorrenza ta' vjolenza sesswali;

25.

Jappella għal sforz konġunt lejn il-bini tal-kapaċità mill-UE u n-NU; jemmen li l-programm ta' finanzjament attwali mhuwiex sostenibbli u li għandu jiġi mehmuż mal-FPA sabiex l-UA tiġi mħeġġa żżid il-kontribuzzjonijiet tagħha lill-PSOs;

26.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kummissjoni tal-UA, lill-President tal-Parlament Pan-Afrikan, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO.


(1)  S/2015/229.

(2)  JOIN(2015)0017.

(3)  A/70/95–S/2015/446.

(4)  Dokument tal-Kunsill 11216/12.

(5)  EEAS(2015)458, dokument tal-Kunsill 7632/15.

(6)  Dokument tal-Kunsill 7204/08.

(7)  Dokument tal-Kunsill 8370/14.

(8)  Testi adottati, P8_TA(2015)0403.

(9)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 56..


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/40


P8_TA(2016)0250

Prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel (2015/2065(INI))

(2018/C 086/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat għar-Reġjuni tal-15 ta' Lulju 2014 bit-titolu “L-indirizzar ta' prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji” (COM(2014)0472),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-prattiki kummerċjali żleali fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji (COM(2016)0032),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-28 ta' Ottubru 2009 bit-titolu “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar” (COM(2009)0591),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-31 ta' Jannar 2013 dwar “Prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-Ewropa” (COM(2013)0037),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tad-19 ta' Frar 2008 dwar “L-investigazzjoni u r-rimedju tal-abbuż ta' poter minn supermarkets kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea” (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2012 dwar żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel (3),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-12 ta' Novembru 2013 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar “Prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-Ewropa”,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-settur il-kbir tal-bejgħ bl-imnut – tendenzi u impatti fuq il-bdiewa u l-konsumaturi (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rapport annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE (5), b'mod partikolari l-paragrafu 104 tagħha,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-Forum ta' Livell Għoli dwar it-titjib tal-funzjonament tal-katina ta' provvista tal-ikel (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust (7),

wara li kkunsidra l-istudju “Monitoring the implementation of principles of good practice in vertical relationships in the food supply chain”, li sar minn Areté srl għall-Kummissjoni (Jannar 2016),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi għall-benefiċċju tal-atturi kollha (8),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (9),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (10),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (11),

wara li kkunsidra l-“Groceries Code Adjudicator Investigation into Tesco plc” tar-Renju Unit tas-26 ta' Jannar 2016,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur (12),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 261/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (13),

wara li kkunsidra r-rapport ta' progress dwar l-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista ta' Lulju 2015,

wara li kkunsidra r-rapport tal-2012 minn Consumers International bit-titolu “The relationship between supermarkets and suppliers: what are the implications for consumers?”,

wara li kkunsidra l-qafas universali għall-Valutazzjoni tas-Sostenibbiltà ta' sistemi tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) żviluppat mill-FAO,

wara li kkunsidra s-sitwazzjoni estremament kritika li qed jiffaċċjaw il-bdiewa u l-kooperattivi agrikoli, b'mod speċjali fis-setturi tal-prodotti tal-ħalib, il-laħam tal-majjal, iċ-ċanga, il-frott u l-ħaxix u ċ-ċereali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0173/2016),

A.

billi l-prattiki kummerċjali inġusti (UTPs) huma problema serja, li sseħħ f'bosta setturi tal-ekonomija; billi r-rapport tal-Kummissjoni tad-29 ta' Jannar 2016 dwar il-prattiki kummerċjali żleali fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji (COM(2016)0032) jikkonferma li dawk il-prattiki jistgħu jseħħu f'kull stadju tal-katina tal-provvista tal-ikel; billi l-problema hija partikolarment evidenti fil-katina tal-provvista tal-ikel, b'effetti negattivi fuq l-iktar ħolqa dgħajfa tal-katina; billi l-problema hija kkonfermata mill-entitajiet kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel u minn ħafna awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni; billi l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ripetutament ġibdu l-attenzjoni dwar il-problema tal-UTPs;

B.

billi huwa diffiċli li “inġustizzja” fil-katina tal-provvista tal-ikel tiġi tradotta fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni attwali, peress li l-għodod eżistenti huma effikaċi biss fuq xi forom ta' mġiba antikompetittiva;

C.

filwaqt li jitqiesu d-daqs u l-importanza strateġika tal-katina tal-provvista tal-ikel għall-Unjoni Ewropea; billi s-settur jimpjega 'l fuq minn 47 miljun ruħ fl-UE u jirrappreżenta madwar 7 % tal-valur miżjud gross fil-livell tal-UE, u billi l-valur totali tas-suq tal-UE għal prodotti marbuta mal-kummerċ tal-ikel bl-imnut huwa stmat li huwa ta' EUR 1,05 biljun; billi s-settur tas-servizzi bl-imnut jirrappreżenta 4,3 % tal-PDG tal-UE u 17 % tal-SMEs tal-UE (14); billi 99,1 % tal-kumpaniji fis-settur tal-ikel u tax-xorb huma SMEs u mikrointrapriżi;

D.

billi s-suq uniku ġab benefiċċji kbar għall-operaturi fil-katina tal-provvista tal-ikel, u l-kummerċ tal-ikel għandu dimensjoni transfruntiera dejjem aktar sinifikanti u huwa ta' importanza partikolari għall-funzjonament tas-suq intern; billi l-kummerċ transfruntier bejn l-Istati Membri tal-UE jirrappreżenta 20 % tal-produzzjoni totali ta' ikel u xorb tal-UE; billi 70 % tal-esportazzjonijiet tal-ikel tal-Istati Membri kollha huma lejn Stati Membri oħra;

E.

billi f'dawn l-aħħar snin saru bidliet strutturali sinifikanti fil-katina tal-provvista tal-ikel minn negozju għal negozju (B2B), li jinvolvu livell għoli ta' konċentrazzjoni u integrazzjoni vertikali u transfruntiera ta' entitajiet li joperaw fis-settur tal-produzzjoni, u b'mod speċjali fis-setturi tal-ipproċessar u l-bejgħ bl-imnut, kif ukoll iktar 'il fuq fis-settur tal-produzzjoni;

F.

billi l-entitajiet involuti fil-katina tal-provvista tal-prodotti tal-ikel irrappurtaw UTPs li prinċipalment jikkonsistu minn:

dewmien fil-pagamenti;

aċċess ristrett għas-suq;

bidliet unilaterali jew retroattivi fit-termini kuntrattwali;

nuqqas li jipprovdu jew informazzjoni dettaljata biżżejjed jew informazzjoni fformulata b'mod mhux ambigwu dwar termini kuntrattwali;

rifjut li jikkonkludu kuntratt bil-miktub;

kanċellazzjoni ħabta u sabta u mhux ġustifikata ta' kuntratt;

trasferiment inġust tar-riskju kummerċjali;

talba ta' pagament għal oġġetti jew servizzi li ma huma ta' ebda valur għal parti kontraenti waħda;

imposti għal servizzi fittizji;

trasferiment tal-ispejjeż tat-trasport u tal-ħażna fuq il-fornituri;

involviment sfurzat fi promozzjonijiet, impożizzjoni ta' ħlas biex il-prodotti jitqiegħdu f'pożizzjonijiet prominenti fil-ħwienet u tariffi addizzjonali oħra;

trasferiment lill-fornituri tal-ispejjeż tal-promozzjoni ta' oġġetti f'żoni ta' bejgħ;

impożizzjoni ta' ritorn inkundizzjonat ta' merkanzija mhux mibjugħa;

pressjoni biex jitnaqqsu l-prezzijiet;

is-sħab kummerċjali ma jitħallewx jagħmlu akkwisti minn Stati Membri oħra (limitazzjonijiet fuq il-provvista territorjali);

G.

billi, peress li huwa impossibbli li proċess ta' produzzjoni agrikola jitwaqqaf ladarba jkun beda, u peress li l-prodotti derivati minnhom jitħassru malajr, il-bdiewa huma partikolarment suxxettibbli għall-UTPs fil-katina tal-provvista tal-ikel;

H.

billi xi drabi l-produtturi jaħdmu bit-telf wara negozjati ma' atturi oħra fil-katina tal-provvista tal-ikel li jqegħduhom fi żvantaġġ, pereżempju permezz ta' tnaqqis fil-prezzijiet u skontijiet fis-supermarkets;

I.

billi l-UTPs iseħħu fejn hemm inugwaljanzi fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn sħab fil-katina tal-provvista tal-ikel, li jirriżultaw minn disparitajiet fis-setgħa ta' negozjar fir-relazzjonijiet kummerċjali, li huma r-riżultat tal-konċentrazzjoni li qed tikber tas-setgħa tas-suq bejn għadd żgħir ta' gruppi multinazzjonali, u billi dawn id-disparitajiet għandhom it-tendenza li jagħmlu ħsara lill-produtturi żgħar u medji;

J.

billi l-UTPs jista' jkollhom konsegwenzi dannużi għall-entitajiet individwali fil-katina tal-provvista tal-ikel, b'mod partikolari fil-każ tal-bdiewa u l-SMEs, li mbagħad jista' jkollhom impatt fuq l-ekonomija kollha tal-UE, kif ukoll fuq il-konsumaturi finali billi jillimitaw l-għażla ta' prodotti u l-aċċess tagħhom għal oġġetti ġodda u innovattivi; billi l-UTPs jista' jkollhom impatt fuq in-negozjati dwar il-prezzijiet bejn l-intrapriżi, jistgħu jiskoraġġixxu l-kummerċ transfruntier fl-UE u jxekklu l-funzjonament xieraq tas-suq intern; billi, b'mod partikolari, il-prattiki inġusti jistgħu jwasslu biex l-intrapriżi jnaqqsu l-investiment u l-innovazzjoni, anke fl-oqsma tal-ħarsien tal-ambjent, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-benesseri tal-annimali, minħabba tnaqqis fl-introjtu u nuqqas ta' ċertezza, u dan jista' jwassalhom biex jabbandunaw attivitajiet ta' produzzjoni, ipproċessar jew kummerċ;

K.

billi l-UTPs huma ostaklu għall-iżvilupp u l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, u jistgħu jfixklu serjament il-funzjonament xieraq tas-suq;

L.

billi l-UTPs jistgħu jirriżultaw fi spejjeż eċċessivi, jew fi dħul inqas milli mistenni għal negozji b'setgħa ta' negozjar aktar dgħajfa, kif ukoll fi produzzjoni żejda u ħela ta' ikel;

M.

billi l-konsumaturi potenzjalment jiffaċċjaw tnaqqis fid-diversità tal-prodotti, fil-wirt kulturali u fil-ħwienet li jbigħu bl-imnut b'riżultat tal-UTPs;

N.

billi l-SMEs u l-mikrointrapriżi, li jikkostitwixxu aktar minn 90 % tal-ekonomija Ewropea, huma partikolarment vulnerabbli għall-UTPs, u huma affettwati aktar mill-intrapriżi kbar bl-impatt tal-UTPs, u dan jagħmilha aktar diffiċli għalihom li jissopravivu fis-suq, li jagħmlu investimenti ġodda fi prodotti u f'teknoloġija u li jwettqu innovazzjonijiet, u jagħmilha aktar diffiċli għall-SMEs li jespandu l-attivitajiet tagħhom, anke bejn il-fruntieri fi ħdan is-suq uniku; billi l-SMEs huma skoraġġiti milli jinvolvu ruħhom f'relazzjonijiet kummerċjali minħabba r-riskju li jiġu imposti fuqhom UTPs;

O.

billi l-UTPs ma jseħħux biss fil-katina tal-provvista tal-ikel, imma jseħħu daqstant spiss fil-katini tal-provvista mhux tal-ikel bħal dawk tal-industrija tal-ilbies u l-industrija tal-karozzi;

P.

billi ħafna Stati Membri introduċew diversi modi biex jiġġieldu l-UTPs, f'xi każijiet permezz ta' skemi volontarji u awtoregolatorji u f'oħrajn permezz ta' regolamenti nazzjonali rilevanti; billi dan wassal għal livell għoli ta' diverġenza u diversifikazzjoni bejn il-pajjiżi f'termini tal-livell, in-natura u l-forma tal-protezzjoni ġuridika; billi xi pajjiżi ma ħadu l-ebda azzjoni f'dan il-qasam;

Q.

billi xi Stati Membri li inizjalment kienu ħadu passi rigward il-UTPs permezz ta' approċċi volontarji, sussegwentement iddeċidew li jindirizzaw dawn il-prattiki permezz ta' leġiżlazzjoni;

R.

billi l-UTPs huma koperti parzjalment biss mid-dritt tal-kompetizzjoni;

S.

billi d-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni għandu jippermetti lill-konsumaturi jibbenefikaw minn għażla wiesgħa ta' prodotti ta' kwalità bi prezzijiet kompetittivi, filwaqt li jiżgura li l-kumpaniji jkollhom inċentiv biex jinvestu u jinnovaw billi jingħataw possibbiltà xierqa li jippromwovu l-vantaġġi tal-prodotti tagħhom mingħajr ma jiġu esklużi bla bżonn mis-suq minħabba UTPs;

T.

billi d-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni għandu jippermetti lill-konsumatur finali jixtri oġġetti bi prezz kompetittiv, iżda għandu jiżgura wkoll kompetizzjoni ħielsa u ġusta bejn il-kumpaniji, b'mod partikolari biex jiġu mħeġġa jinnovaw;

U.

billi l-“fattur tal-biża'” jeżisti fir-relazzjonijiet kummerċjali, fejn il-parti aktar dgħajfa ma tkunx tista' tagħmel użu effettiv mid-drittijiet tagħha u ma tkunx trid tressaq ilment dwar il-UTPs imposti mill-parti aktar b'saħħitha, minħabba l-biża' li tikkomprometti r-relazzjoni kummerċjali tagħhom;

V.

billi l-prestazzjoni tal-katina tal-provvista tal-ikel taffettwa l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-UE, minħabba li kważi 14 % tan-nefqa domestika tagħhom tintefaq fuq l-ikel;

W.

billi ħafna atturi joperaw fil-katina tal-provvista tal-ikel, inklużi l-manifatturi, il-bejjiegħa bl-imnut, l-intermedjarji u l-produtturi, u l-UTPs jistgħu jseħħu f'livelli differenti tal-katina;

X.

billi l-“fattur tal-biża'” jfisser li fornituri żgħar ma jkunux jistgħu jużaw b'mod effikaċi d-dritt tagħhom, jekk jinħoloq, li jmorru l-qorti, u li mekkaniżmi oħra, irħas u aċċessibbli, bħall-medjazzjoni minn awtorità indipendenti, jaqdu aħjar l-interessi tagħhom;

Y.

billi l-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista (SCI) għandha limitazzjonijiet kbar – pereżempju m'hemmx penali għan-nonkonformità u m'hemmx il-possibbiltà li jitressqu lmenti kunfidenzjali – li jfisser li ma tistax tintuża bħala għodda effikaċi biex jiġu miġġielda l-UTPs;

1.

Jilqa' l-passi meħuda sal-lum mill-Kummissjoni biex tiġġieled il-UTPs bil-ħsieb li jiġi żgurat suq aktar bilanċjat u li tingħeleb is-sitwazzjoni frammentata attwali li tirriżulta mill-approċċi nazzjonali differenti biex jiġu indirizzati l-UTPs fl-UE, iżda jirrimarka li dawn il-passi mhumiex biżżejjed biex jiġu miġġielda l-UTPs; jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq tad-29 ta' Jannar 2016, kif ukoll l-istudju li jakkumpanjah tant mistenni dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' prattika tajba f'relazzjonijiet vertikali fil-katina tal-provvista tal-ikel, iżda jinnota l-konklużjonijiet tiegħu, li ma jwittux it-triq għal qafas fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti fil-livell tal-UE;

2.

Jilqa' l-azzjoni li ħa l-Forum ta' Livell Għoli dwar it-titjib tal-funzjonament tal-katina ta' provvista tal-ikel u l-istabbiliment tal-pjattaforma ta' esperti dwar prattiki B2B, li fasslet lista, deskrizzjoni u valutazzjoni ta' prattiki kummerċjali li jistgħu jitqiesu bħala inġusti għall-aħħar;

3.

Jirrikonoxxi l-istabbiliment u l-iżvilupp tal-SCI, li għandha rwol importanti fil-promozzjoni ta' bidla kulturali u fit-titjib tal-etika kummerċjali, u li rriżultat fl-adozzjoni ta' sett ta' prinċipji ta' prattika tajba għal relazzjonijiet vertikali fil-katina tal-provvista tal-ikel u qafas volontarju għall-implimentazzjoni ta' dawk il-prinċipji li fit-tieni sena biss tal-operat tiegħu diġà jinkludi aktar minn elf kumpanija parteċipanti minn madwar l-UE kollha, bil-maġġoranza jkunu SMEs; jilqa' l-progress li sar sal-lum, u jemmen li l-isforzi biex jiġu promossi prattiki kummerċjali ġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel għandu jkollhom impatt reali iżda attwalment ma jistgħux jitqiesu suffiċjenti biex tiġi indirizzata l-problema tal-UTPs fil-katina tal-provvista tal-ikel; jenfasizza, madankollu, li l-effikaċja tal-SCI, kif rikonoxxuta kemm mir-rapport reċenti tal-Kummissjoni kif ukoll mill-evalwazzjoni esterna, hija mxekkla minn firxa wiesgħa ta' nuqqasijiet, bħal dgħufijiet fil-governanza, limitazzjonijiet fit-trasparenza, l-ebda miżura ta' infurzar jew penali, nuqqas ta' deterrenti effikaċi kontra l-UTPs, u l-fatt li ma jistgħux isiru lmenti anonimi individwali minn vittmi potenzjali ta' UTPs jew investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja minn korp indipendenti, li konsegwentement iwassal għal sottorappreżentanza tal-SMEs u l-bdiewa, b'mod partikolari, li jistgħu jqisu l-SCI inadegwata għall-iskop tagħha; jirrakkomanda l-istabbiliment ta' inizjattivi tal-katina tal-provvista simili f'setturi oħra rilevanti mhux tal-ikel;

4.

Jiddispjaċih, madankollu, li wħud mill-possibbiltajiet ta' soluzzjoni ta' tilwim mill-SCI għadhom ma ntużawx fil-prattika, u dan ifisser li l-valutazzjoni tal-effikaċja tagħhom hija bbażata fuq ġudizzji teoretiċi; huwa mħasseb li ma ġie eżaminat l-ebda każ konkret biex jiġi vvalutat ir-rwol tal-SCI fl-indirizzar tal-UTPs, u li ma saritx analiżi aktar dettaljata fir-rigward tal-ġbir ta' data dwar l-ilmenti riċevuti u solvuti; jemmen li n-nuqqas li ssir tali valutazzjoni fil-fond jikkomprometti l-ġudizzju globali tal-inizjattiva; huwa diżappuntat bid-dikjarazzjoni, kif rikonoxxuta mill-istudju Areté msemmi hawn fuq li jevalwa l-effikaċja tal-SCI, li “l-kisbiet attwali tal-SCI jistgħu jidhru modesti ħafna jekk imqabbla mal-portata u l-gravità attwali jew perċepiti tal-kwisjtoni tal-UTPs”;

5.

Jinnota l-istabbiliment ta' pjattaformi nazzjonali ta' SCIs ta' organizzazzjonijiet u negozji fil-katina tal-provvista tal-ikel biex jinkoraġġixxu d-djalogu bejn il-partijiet, jippromwovu l-introduzzjoni u l-iskambju ta' prattiki kummerċjali ġusti u jippruvaw iġibu fi tmiemhom il-UTPs, iżda jiddubita kemm huma verament effikaċi; madankollu, jirrimarka li xi pjattaformi nazzjonali ma żammewx ma' dawn l-objettivi u li, bħal fil-każ tal-Finlandja, il-bdiewa abbandunaw il-pjattaforma; jipproponi li l-Istati Membri jiġu mħeġġa u jingħataw inċentivi biex jieħdu azzjoni ulterjuri, bl-użu ta' strumenti sostenibbli, rigward kwalunkwe lment jew nuqqas ta' konformità rrapportati minn dawn il-pjattaformi nazzjonali;

6.

Huwa tal-fehma li l-prinċipji ta' prattika tajba u l-lista ta' eżempji ta' prattiki ġusti u inġusti f'relazzjonijiet vertikali fil-katina tal-provvista tal-ikel għandhom jitwessgħu u jiġu infurzati b'mod effikaċi;

7.

Jilqa' l-istudju li għaddej bħalissa tal-Kummissjoni dwar l-għażla u l-innovazzjoni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut; jemmen li dan l-eżerċizzju jkun strumentali biex jiċċara l-evoluzzjoni u l-fatturi li taw spinta lejn l-għażla u l-innovazzjoni fil-livell tas-suq ġenerali;

8.

Jilqa' l-iżvilupp ta' mekkaniżmi alternattivi u informali għas-soluzzjoni tat-tilwim u għar-rimedju, b'mod partikolari permezz ta' medjazzjoni u arranġamenti bonarji;

9.

Jinnota li fejn jeżistu l-UTPs fil-katina tal-provvista tal-ikel, dawn huma kuntrarji għall-prinċipji bażiċi tal-liġi;

10.

Jikkundanna prattiki li jisfruttaw żbilanċi fis-setgħa tan-negozjar bejn l-operaturi ekonomiċi u li jkollhom effett negattiv fuq il-libertà kuntrattwali;

11.

Jinnota li l-UTPs, meta imposti minn partijiet f'pożizzjoni ta' negozjar aktar b'saħħitha, għandhom impatt negattiv fil-katina kollha tal-provvista tal-ikel, fosthom fuq l-impjiegi, għad-detriment tal-għażla tal-konsumatur u tal-kwalità, il-varjetà u n-natura innovattiva tal-prodotti disponibbli; jenfasizza li l-UTPs jistgħu jxekklu l-kompetittività u l-investiment kummerċjali, u jġiegħlu lill-kumpaniji jiffrankaw l-ispejjeż askapitu tas-salarji, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-kwalità tal-materja prima;

12.

Jafferma mill-ġdid li l-kompetizzjoni libera u ġusta, relazzjonijiet bilanċjati bejn l-atturi kollha, il-libertà kuntrattwali u l-infurzar b'saħħtu u effikaċi tal-leġiżlazzjoni rilevanti – li permezz tagħhom jistgħu jiġu protetti l-atturi ekonomiċi kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel, irrispettivament mill-pożizzjoni ġeografika – huma ta' importanza essenzjali biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-katina tal-provvista tal-ikel u biex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-ikel;

13.

Jinnota l-ħtieġa li tinbena fiduċja reċiproka bejn is-sħab fil-katina tal-provvista, abbażi tal-prinċipji tal-libertà kuntrattwali u relazzjoni ta' benefiċċju reċiproku; jenfasizza r-responsabbiltà soċjali korporattiva tal-parti kontraenti l-aktar b'saħħitha biex tillimita l-vantaġġ tagħha matul in-negozjati u biex taħdem mal-parti l-iżjed dgħajfa lejn soluzzjoni li tkun pożittiva għaż-żewġ partijiet;

14.

Jilqa' r-rikonoxximent tal-Kummissjoni, fil-Green Paper tagħha tal-31 ta' Jannar 2013, li m'hemmx libertà kuntrattwali vera meta hemm inugwaljanza ċara bejn il-partijiet;

15.

Jirrikonoxxi li l-UTPs jirriżultaw primarjament minn żbilanċi fl-introjtu u l-poter fil-katina tal-provvista tal-ikel, u jenfasizza li dawn iridu jiġu indirizzati b'mod urġenti sabex tittejjeb is-sitwazzjoni għall-bdiewa fis-settur tal-ikel; jinnota li l-bejgħ bi prezz iktar baxx mill-kost tal-produzzjoni, u l-abbuż gravi tal-użu ta' prodotti tal-ikel agrikoli bażiċi bħalma huma l-ħalib, il-frott u l-ħaxix bħala “loss leaders” mill-bejjiegħa bl-imnut kbar, jheddu s-sostenibbiltà fit-tul tal-produzzjoni tal-UE ta' tali oġġetti; jilqa' l-isforzi, bħalma hi l-Inizjattiva Tierwohl fil-Ġermanja, li għandhom l-għan li jgħinu lill-bdiewa jikkompetu abbażi tal-merti tal-prodotti tagħhom;

16.

Jirrimarka li l-UTPs għandhom konsegwenzi negattivi serji għall-bdiewa, bħalma huma profitti aktar baxxi, spejjeż aktar għolja milli jkunu ġew stmati, produzzjoni żejda tal-ikel u ħela tal-ikel, u diffikultajiet ta' ppjanar finanzjarju; jenfasizza li tali konsegwenzi negattivi fl-aħħar mill-aħħar inaqqsu l-għażla tal-konsumatur;

17.

Għandu dubji dwar l-appoġġ mingħajr riżervi espress fir-rapport tal-Kummissjoni għall-SCI, minħabba l-limitazzjonijiet tagħha; itenni li l-bdiewa qed joqogħdu lura milli jipparteċipaw minħabba n-nuqqas ta' fiduċja, ir-restrizzjonijiet fuq l-ilmenti anonimi, in-nuqqas ta' setgħa statutorja, l-inabbiltà li jiġu applikati sanzjonijiet sinifikanti, in-nuqqas ta' mekkaniżmi adegwati biex jiġu miġġielda l-UTPs dokumentati sew u t-tħassib dwar l-iżbilanċi fin-natura tal-mekkaniżmi ta' infurzar li ma ġewx ikkunsidrati b'mod adegwat; jiddispjaċih li l-Kummissjoni qed toqgħod lura milli tiżgura anonimità u sanzjonijiet xierqa;

18.

Jemmen li l-SCI u sistemi volontarji oħra nazzjonali u tal-UE (kodiċijiet ta' prattika tajba, mekkaniżmi volontarji ta' soluzzjoni tat-tilwim) għandhom jiġu żviluppati u promossi aktar flimkien ma' mekkaniżmi ta' infurzar effikaċi u robusti fil-livell tal-Istati Membri, filwaqt li jkun żgurat li l-ilmenti jistgħu jitressqu b'mod anonimu u li jiġu stabbiliti penali dissważivi, flimkien ma' koordinazzjoni fil-livell tal-UE; jinkoraġġixxi lill-produtturi u lill-kummerċjanti, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, jinvolvu ruħhom f'inizjattivi bħal dawn; huwa tal-fehma li dawn l-inizjattivi għandhom ikunu disponibbli għall-fornituri kollha li mhumiex preokkupati dwar l-anonimità tagħhom, u li jistgħu jevolvu b'mod utli bħala pjattaformi għall-edukazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki; jinnota li l-Kummissjoni tiddikjara, fir-rapport riċenti tagħha, li jeħtieġ li l-SCI tittejjeb, b'mod partikolari biex tqis l-ilmenti kunfidenzjali u fir-rigward tal-għoti ta' setgħat investigattivi u ta' sanzjonar lil korpi indipendenti;

19.

Jitlob lill-Kummissjoni tieħu passi biex tiżgura mekkaniżmi effikaċi ta' infurzar, bħalma huma l-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta' netwerk ta' awtoritajiet nazzjonali rikonoxxuti b'mod reċiproku fil-livell tal-UE; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-“Groceries Code Adjudicator” tar-Renju Unit bħala mudell possibbli li għandu jiġi segwit fil-livell tal-UE, li jista' joħloq deterrent reali kontra l-UTPs u jgħin biex jiġi eliminat il-“fattur tal-biża'”;

20.

Jilqa' l-pass reċenti meħud mill-SCI li jippermetti lill-SMEs u lill-mikrointrapriżi jingħaqdu taħt proċedura simplifikata; jinnota li n-numru ta' SMEs reġistrati żdied; jirrimarka, madankollu, li jeħtieġ li l-SCI tissaħħaħ aktar permezz ta' għadd ta' azzjonijiet, identifikati mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha tad-29 ta' Jannar 2016, li fir-rigward tagħhom il-progress għandu jkun immonitorjat mill-Kummissjoni bil-ħsieb li

jiżdiedu l-isforzi biex jiġi reklamat u jittejjeb l-għarfien tal-SCI, speċjalment fost l-SMEs;

tiġi żgurata l-imparzjalità tal-istruttura ta' governanza, eż. billi jinħatar president indipendenti li ma jkunx affiljat ma' gruppi speċifiċi ta' partijiet ikkonċernati;

l-allegati vittmi tal-UTPs jitħallew jilmentaw b'mod kunfidenzjali;

jissaħħu l-proċeduri interni biex jiġi verifikat li l-operaturi individwali jikkonformaw mal-impenji proċedurali tagħhom u biex jiġu mmonitorjati l-okkorrenza u l-eżitu ta' tilwim bilaterali b'mod kunfidenzjali;

21.

Jinnota l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li r-rappreżentanti tal-bdiewa ddeċidew li ma jingħaqdux mal-SCI għaliex, fil-fehma tagħhom, ma tiżgurax kunfidenzjalità suffiċjenti għall-ilmentaturi u hija nieqsa mis-setgħat statutorji għal investigazzjonijiet indipendenti u sanzjonijiet sinifikanti, kif ukoll minn mekkaniżmi biex jiġu miġġielda l-UTPs dokumentati sew, kif ukoll għaliex il-preokkupazzjonijiet tagħhom dwar l-iżbilanċi fin-natura tal-mekkaniżmi tal-infurzar ma tqisux b'mod xieraq; jemmen li l-parteċipazzjoni tal-bdiewa hija kruċjali, u li tnaqqis fil-parteċipazzjoni ma tirriflettix nuqqas ta' għarfien, iżda pjuttost nuqqas ta' fiduċja fil-proċeduri u l-governanza kurrenti tal-SCI; għalhekk, jipproponi li t-titjib fil-funzjonament tal-SCI, inter alia, permezz ta' governanza indipendenti, kunfidenzjalità u anonimità, u infurzar u deterrenti effikaċi, jista', bħala l-ewwel pass, iżid l-interess u l-appoġġ tal-bdiewa, u, għaldaqstant, il-parteċipazzjoni tagħhom;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu lill-produtturi jissieħbu ma' organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) u ma' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi (APOs) sabiex iżidu s-saħħa tan-negozjar u l-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista tal-ikel;

23.

Jirrikonoxxi, madankollu, li miżuri volontarji u skemi awtoregolatorji jistgħu joffru mezz kosteffikaċi biex tiġi żgurata l-imġiba ġusta fis-suq, tinstab soluzzjoni għat-tilwim u jintemmu l-UTPs, jekk ikunu akkumpanjati minn mekkaniżmi ta' infurzar indipendenti u effikaċi; jissottolinja, madankollu, li sal-lum tali skemi wrew riżultati limitati minħabba nuqqas ta' infurzar xieraq, sottorappreżentanza tal-bdiewa, strutturi ta' governanza imparzjali, kunflitti ta' interess bejn il-partijiet ikkonċernati, mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim li ma jirnexxilhomx jirriflettu l-“fattur tal-biża'” tal-fornituri u l-fatt li ma japplikawx għall-katina tal-provvista kollha; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;

24.

Jinnota li diġà hemm fis-seħħ leġiżlazzjoni tal-UE biex jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali inġusti min-negozju għall-konsumatur (id-Direttiva 2005/29/KE), iżda jirrimarka li m'hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE biex jiġu miġġielda l-prattiki inġusti bejn operaturi differenti fil-katina agroalimentari;

25.

Jirrimarka li kwalunkwe analiżi serja tal-UTPs trid tibda mill-paradigma ekonomika ġdida li żviluppat f'dawn l-aħħar snin: il-bejgħ bl-imnut fuq skala kbira li fih l-aċċess għall-ħwienet sar soġġett għal kompetizzjoni ħarxa taħt il-kontroll tas-supermarkets; jirrimarka li xi awtoritajiet tal-kompetizzjoni identifikaw prattiki speċifiċi li jinvolvu t-trasferiment ta' riskju eċċessiv għall-fornituri, u dan jista' jagħmilhom anqas kompetittivi; jirrimarka li dawk l-awtoritajiet ikkonkludew ukoll li l-marki proprji jintroduċu element ta' kompetizzjoni orizzontali vis-à-vis l-marki industrijali li ma ngħatax biżżejjed kunsiderazzjoni;

26.

Jenfasizza li l-azzjoni biex jiġu miġġielda l-UTPs tgħin biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern u biex jiġi żviluppat il-kummerċ transfruntier fl-UE u ma' pajjiżi terzi; jirrimarka li n-natura frammentata tas-swieq, u disparitajiet bejn il-liġijiet nazzjonali dwar il-UTPs, jesponu lill-operaturi tal-katina tal-provvista għal firxa ta' kundizzjonijiet tas-suq differenti u tista' twassal għall-prattika magħrufa bħala “għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni (forum shopping)”, li, konsegwentement, tista' twassal għal inċertezza regolatorja;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurzaw b'mod sħiħ u konsistenti d-dritt tal-kompetizzjoni, ir-regoli dwar il-kompetizzjoni inġusta u r-regoli antitrust, u, b'mod partikolari, jimponu penali ħorox għall-abbuż ta' pożizzjoni dominanti fil-katina tal-provvista tal-ikel;

28.

Iqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE jqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-agrikoltura u jwassal għall-benesseri tal-produtturi kif ukoll tal-konsumaturi, li għandhom rwol importanti fil-katina tal-provvista; jemmen li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE jrid joħloq il-kundizzjonijiet għal suq iktar effiċjenti li jippermetti lill-konsumaturi jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta' prodotti ta' kwalità bi prezzijiet kompetittivi, filwaqt li jiżgura li l-produtturi primarji jkollhom inċentiv biex jinvestu u jinnovaw mingħajr ma jiġu mġiegħla joħorġu mis-suq minn UTPs;

29.

Jirrimarka li filwaqt li prodotti privati ttikkettati ta' marka proprja jistgħu jġibu valur miżjud, għażla u prodotti “fair trade” lill-konsumaturi, jirrappreżentaw ukoll kwistjoni strateġika fuq perjodu medju u twil ta' żmien, billi jintroduċu dimensjoni orizzontali għall-kompetizzjoni fir-rigward tal-marki industrijali li qabel qatt ma kienu fattur u li jistgħu jagħtu pożizzjoni inġusta u antikompetittiva lill-bejjiegħa bl-imnut, li jsiru kemm il-klijent kif ukoll il-kompetitur; jiġbed l-attenzjoni dwar l-eżistenza ta' “soll ta' riskju” li lil hinn minnu l-penetrazzjoni fis-suq ta' marki proprji f'ċerta kategorija ta' prodott tista' tbiddel l-effetti pożittivi kurrenti ta' marki proprji f'effetti negattivi, u tipprovdi diżinċentiv fir-rigward tal-isforzi innovattivi ta' ħafna kumpaniji; jinsisti, għalhekk, li l-kwistjoni tal-marki proprji privati teħtieġ attenzjoni partikolari mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu vvalutati l-konsegwenzi potenzjali fit-tul għall-katina tal-provvista u l-pożizzjoni tal-bdiewa fi ħdanha, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li d-drawwiet tal-konsumatur fl-Istati Membri jvarjaw;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurzaw bis-sħiħ u b'mod konsistenti d-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex il-kredituri jitħallsu fi żmien 60 jum min-negozji, jew inkella jiffaċċjaw ħlasijiet ta' mgħax u l-ħlas tal-ispejjeż tal-irkupru raġonevoli tal-kreditur;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti proposta, jew proposti, għal qafas fil-livell tal-UE li jistabbilixxi prinċipji ġenerali u jieħu kont xieraq taċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-aħjar prattiki biex jiġu trattati l-UTPs fil-katina tal-provvista tal-ikel kollha sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha li jippermettu li s-swieq joperaw kif suppost u li jinżammu relazzjonijiet ġusti u trasparenti bejn il-produtturi, il-fornituri u d-distributuri tal-ikel;

32.

Jemmen bis-sħiħ li d-definizzjoni ta' UTPs deskritta mill-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati rilevanti fid-dokument “Vertical relationships in the Food Supply Chain: Principles of Good Practice”, bid-data tad-29 ta' Novembru 2011 (15), għandha titqies, flimkien ma' lista miftuħa ta' UTPs, meta titressaq proposta għal qafas fil-livell tal-UE;

33.

Barra minn hekk, jissuġġerixxi li l-anonimità u l-kunfidenzjalità jiġu inkorporati fi kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva futura f'dan il-qasam;

34.

Iqis li l-Istati Membri, meta ma jkunx diġà l-każ, għandhom jistabbilixxu jew jirrikonoxxu aġenziji pubbliċi jew korpi dedikati bħal awtorità, fil-livell nazzjonali b'responsabbiltà għall-infurzar ta' azzjoni biex jiġu miġġielda prattiki inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel; huwa tal-fehma li aġenziji pubbliċi ta' dan it-tip jistgħu jiffaċilitaw l-infurzar, pereżempju billi jingħataw is-setgħa li jiftħu u jwettqu investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja u abbażi ta' informazzjoni informali jew ta' lmenti trattati fuq bażi kunfidenzjali (u b'hekk jingħeleb il-“fattur tal-biża'”), u jistgħu jaġixxu bħala medjatur bejn il-partijiet involuti; jenfasizza l-ħtieġa ta' rikonoxximent reċiproku u kooperazzjoni effikaċi fil-livell tal-UE bejn l-awtoritajiet nazzjonali sabiex tiġi żgurata l-kondiviżjoni ta' informazzjoni rilevanti, b'mod partikolari dwar l-aħjar prattika, u l-għarfien espert rigward forom ġodda ta' UTPs, b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' sussidjarjetà;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex, b'segwitu għar-rapport tal-Kummissjoni, jiffaċilitaw l-inkorporazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-bdiewa (inklużi l-POs u l-APOs) fl-ambitu tal-korpi nazzjonali tal-infurzar li jirregolaw il-katina tal-provvista tal-ikel, primarjament billi jiżguraw l-anonimità tal-ilmenti u reġim effikaċi ta' sanzjonijiet;

36.

Jemmen li leġiżlazzjoni qafas fil-livell tal-UE hija meħtieġa bl-għan li jiġu indirizzati l-UTPs u jiġi żgurat li l-bdiewa u l-konsumaturi Ewropej jkollhom l-opportunità li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ġusti tax-xiri u tal-bejgħ;

37.

Jirrimarka li din il-leġiżlazzjoni qafas Ewropea m'għandhiex tbaxxi l-livell ta' protezzjoni fil-pajjiżi li adottaw leġiżlazzjoni nazzjonali biex jikkumbattu UTPs bejn in-negozji.

38.

Jistieden lill-Istati Membri mingħajr awtorità tal-infurzar kompetenti biex iqisu l-istabbiliment ta' tali awtorità u jipprovduha bis-setgħa li tissorvelja u tinforza l-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati l-UTPs;

39.

Jenfasizza li l-awtoritajiet tal-infurzar għandu jkollhom firxa ta' miżuri ta' infurzar u sanzjonijiet differenti għad-dispożizzjoni tagħhom, sabiex jippermettu, skont il-gravità taċ-ċirkustanza speċifika, flessibilità ta' reazzjoni; jemmen li tali miżuri u sanzjonijiet għandu jkollhom effett ta' deterrent bl-għan li tinbidel l-imġiba;

40.

Ifakkar li l-Istati Membri kollha diġà għandhom oqfsa regolatorji li jindirizzaw il-UTPs; jinnota l-azzjoni regolatorja reċenti meħuda minn xi Stati Membri, li permezz tagħha introduċew dispożizzjonijiet li jissupplimentaw id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, wessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttivi dwar il-UTPs billi estendew id-dispożizzjonijiet tagħhom biex ikopru r-relazzjonijiet B2B, u waqqfu aġenziji ta' infurzar indipendenti; jinnota, madankollu, li l-approċċi differenti meħuda f'dan ir-rigward mill-Istati Membri kkonċernati rriżultaw f'livelli u tipi differenti ta' protezzjoni mill-UTPs;

41.

Jinnota li, bl-adozzjoni ta' miżuri kontra l-UTPs fil-katina tal-provvista tal-ikel, irid jittieħed kont dovut tal-karatteristiċi speċifiċi ta' kull suq u r-rekwiżiti ġuridiċi li japplikaw għalih, tas-sitwazzjonijiet u l-approċċi differenti fl-Istati Membri individwali, il-livell ta' konsolidazzjoni jew frammentazzjoni tas-swieq individwali, u fatturi sinifikanti oħra, filwaqt li wieħed jikkapitalizza fuq il-miżuri li diġà ttieħdu f'xi Stati Membri li qed juru li huma effikaċi; huwa tal-fehma li kwalunkwe sforz regolatorju propost f'dan il-qasam għandu jiżgura li jkun hemm diskrezzjoni relattivament wiesgħa biex il-miżuri li għandhom jittieħdu jitfasslu għall-karatteristiċi speċifiċi ta' kull suq, sabiex tiġi evitata l-adozzjoni ta' approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”, u għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ġenerali ta' titjib fl-infurzar billi jiġu involuti l-korpi pubbliċi rilevanti flimkien mal-kunċett tal-infurzar privat, u b'hekk jingħata kontribut ukoll għat-titjib tal-livell baxx u frammentat tal-kooperazzjoni li teżisti fi ħdan korpi differenti tal-infurzar nazzjonali u għall-indirizzar tal-isfidi transfruntieri rigward il-UTPs;

42.

Jirrimarka li l-kooperazzjoni eżistenti frammentata u ta' livell baxx f'korpi differenti tal-infurzar nazzjonali mhijiex biżżejjed biex jiġu indirizzati l-isfidi transfruntieri rigward il-UTPs;

43.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effikaċja u l-impatt ta' miżuri regolatorji u mhux regolatorji, b'kont dovut meħud tal-implikazzjonijiet kollha possibbli għad-diversi partijiet ikkonċernati u għall-benesseri tal-konsumatur, kif ukoll tat-taħlita ta' politiki indikata minn dawk li wieġbu dwar l-istudju Areté msemmi hawn fuq, li hija taħlita ta' inizjattivi volontarji u infurzar pubbliku (33 % tat-tweġibiet kollha) u leġiżlazzjoni speċifika fil-livell tal-UE (32 %);

44.

Huwa konvint li s-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur dwar il-prodotti agrikoli hija fundamentali biex jiġu indirizzati l-problemi li jirriżultaw mill-iżbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel, inklużi l-UTPs; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti fil-ġestjoni tal-katina tal-provvista tal-ikel isaħħu t-trasparenza fil-katina tal-provvista tal-ikel kollha kemm hi u jżidu l-informazzjoni għall-konsumaturi permezz ta' iżjed tikkettar xieraq tal-prodotti u skemi ta' ċertifikazzjoni sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet kompletament infurmati dwar il-prodotti disponibbli u jaġixxu kif xieraq;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tippromwovi inizjattivi li permezz tagħhom il-konsumaturi jkunu jistgħu jiġu mgħarrfa dwar ir-riskji tad-dumping tal-prezzijiet għall-produtturi primarji, u jappoġġja espressament il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni għal dan il-għan fl-iskejjel u fl-istabbilimenti tat-taħriġ;

46.

Jinnota li, mill-2009 'l hawn, adotta ħames riżoluzzjonijiet dwar il-problemi fil-katina tal-bejgħ bl-imnut tal-UE, inklużi tlieta speċifikament fuq l-iżbilanċi u l-abbużi fil-katina tal-provvista tal-ikel; jinnota wkoll li matul l-istess perjodu l-Kummissjoni ħarġet tliet komunikazzjonijiet u Green Paper, u kkummissjonat żewġ rapporti finali dwar suġġetti simili; jiddikjara, għalhekk, li jekk se ssir saħansitra aktar analiżi dwar l-istat tal-katina tal-provvista tal-ikel dan sempliċement se jipposponi l-ħtieġa urġenti ta' azzjoni maħsuba biex il-bdiewa jiġu megħjuna jiġġieldu l-prattiki kummerċjali inġusti;

47.

Iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel jikkunsidraw kuntratti standard, kif ukoll kuntratti ta' ġenerazzjoni ġdida, li permezz tagħhom ir-riskji u l-benefiċċji jiġu kondiviżi;

48.

Jirrikonoxxi li r-riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) u l-organizzazzjoni komuni tas-suq unika ġdida introduċew għadd ta' miżuri mmirati lejn l-indirizzar tad-diskrepanza fis-setgħa tan-negozjar fost il-bdiewa, il-kummerċ bl-imnut, il-kummerċ bl-ingrossa u l-SMEs fil-katina tal-provvista tal-ikel permezz ta' appoġġ, b'mod partikolari, lill-istabbiliment u l-espansjoni tal-POs; jenfasizza l-importanza ta' din il-kooperazzjoni min-naħa tal-provvista;

49.

Jinnota li r-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li jipprevedi l-istabbiliment ta' POs, huwa appoġġjat minn inċentivi finanzjarji taħt it-tieni pilastru tal-PAK; jirrimarka li l-qafas ġuridiku jestendi l-ambitu għan-negozjar kollettiv (f'xi setturi) u l-kuntratti ta' konsenja (fis-setturi kollha) għall-POs, l-assoċjazzjonijiet ta' POs (APOs) u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali, u jintroduċi wkoll eżenzjonijiet temporanji minn ċerti regoli tal-kompetizzjoni f'perjodi ta' żbilanċ serju ħafna fis-suq, soġġetti għal salvagwardji;

50.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi bil-qawwa dan l-approċċ sabiex tiżdied is-setgħa ta' negozjar tal-produttur primarju u biex il-produtturi jiġu inkoraġġiti jingħaqdu ma' POs u APOs; jissottolinja, b'mod partikolari, il-vulnerabbiltà tal-bdiewa żgħar u ta' dawk li joperaw bħala familja, li għandhom il-potenzjal li joħolqu u jappoġġjaw l-impjiegi f'reġjuni iżolati, remoti u muntanjużi;

51.

Huwa tal-fehma li t-tisħiħ u l-istabbiliment tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jimxu id f'id mat-tisħiħ tas-setgħa ta' negozjar tal-bdiewa fil-katina tal-ikel, partikolarment billi jingħatalhom id-dritt li l-kuntratti tagħhom jiġu nnegozjati b'mod kollettiv;

52.

Jitlob li jkun hemm aktar trasparenza u għoti ta' informazzjoni fil-katina tal-provvista u għat-tisħiħ tal-korpi u l-għodod ta' informazzjoni tas-suq bħalma huma l-Istrument Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Prezzijiet tal-Ikel u l-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib, bil-għan li l-bdiewa u l-POs jingħataw data tas-suq preċiża u f'waqtha;

53.

Huwa tal-fehma li l-prezzijiet fil-katina kollha tal-provvista tal-ikel għandhom jirriflettu aħjar il-valur miżjud mill-produtturi primarji; jappella, għalhekk, biex il-proċess ta' formazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut ikun trasparenti kemm jista' jkun;

54.

Jirrimarka li l-bdiewa f'għadd ta' Stati Membri kisbu pożizzjoni b'saħħitha fil-katina tal-provvista tal-ikel permezz tat-twaqqif ta' kooperattivi li jiżguraw li l-valur miżjud fl-istadju tal-ipproċessar jingħadda lura lill-bdiewa, u jikkunsidra li huwa kruċjali li dawn il-kooperattivi ma jiġux mgħobbija bi spejjeż żejda bħala riżultat ta' burokrazija obbligatorja u għalja;

55.

Iħeġġeġ lill-produtturi u lill-proċessuri jaħdmu flimkien biex jinvestu fl-innovazzjoni u jżidu l-valur miżjud tal-prodotti tagħhom;

56.

Ifakkar lill-Kummissjoni li, f'Diċembru 2013, il-Parlament adotta rapport fuq inizjattiva proprja li jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiità ta' infurzar indipendenti bl-għan li jiġi indirizzat il-“fattur tal-biża'” fost il-produtturi primarji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra dan fir-rapport tagħha;

57.

Huwa tal-fehma li l-organizzazzjonijiet professjonali jistgħu jaġixxu bħala pjattaforma għall-produtturi primarji, u b'hekk jippermettulhom iressqu lmenti lil awtorità kompetenti dwar allegazzjonijiet ta' UTPs mingħajr biża';

58.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 23.

(2)  ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 22.

(3)  ĠU C 227 E, 6.8.2013, p. 11.

(4)  ĠU C 255, 14.10.2005, p. 44.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2016)0004.

(6)  ĠU C 210, 3.8.2010, p. 4.

(7)  ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 9.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2013)0580.

(9)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21.

(10)  ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.

(11)  ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

(12)  ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29.

(13)  ĠU L 94, 30.3.2012, p. 38.

(14)  Eurostat, 2010.

(15)  https://ec.europa.eu/digital-single-market/sites/digital-agenda/files/discussions/Vertical%20relationships%20in%20the%20Food%20Supply%20Chain%20-%20Principles%20of%20Good%20Practice.pdf.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/51


P8_TA(2016)0251

Soluzzjonijiet teknoloġiċi għal agrikoltura sostenibbli

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar soluzzjonijiet teknoloġiċi għal agrikoltura sostenibbli fl-UE (2015/2225(INI))

(2018/C 086/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 11, 114(3), 168(1) u 191 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 (6),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 870/2004 tal-24 ta' April 2004 li jwaqqaf programm tal-Komunità dwar il-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u l-użu ta' riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u li jħassar Regolament (KE) Nru 1467/94 (7), u r-rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2013 bl-isem “Ir-Riżorsi Ġenetiċi Agrikoli – mill-konservazzjoni sal-użu sostenibbli” (COM(2013)0838),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (8),

wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil tal-14 ta' Lulju 2014 bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment għall-kooperazzjoni fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali fl-2014-2020,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-futur tas-settur tal-ortikoltura fl-Ewropa – strateġiji għat-tkabbir (9),

wara li kkunsidra l-istudju tal-2014 tad-Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni – Agrikoltura u żvilupp rurali, intitolat “Precision agriculture: An opportunity for EU farmers – potential support with the CAP 2014-2020” (agrikoltura ta' preċiżjoni: Opportunità għall-bdiewa tal-UE – appoġġ potenzjali mal-PAK 2014-2020),

wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 ta' Valutazzjoni tal-Għażliet Xjentifiċi u Teknoloġiċi (STOA) intitolat “Technology options for feeding 10 billion people” (Għażliet teknoloġiċi biex jintemgħu 10 biljun ruħ);

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Frar 2012 dwar is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni “Produttività u Sostenibilità fil-qasam Agrikolu” (COM(2012)0079),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2012 bit-titolu “Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa” (COM(2012)0060),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2015 dwar it-twaqqif ta' Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi (C(2015)6946),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titolu “Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE” (COM(2015)0215),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-privattivi u d-drittijiet ta' min inissel il-pjanti (10);

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0174/2016),

A.

billi s-soċjetajiet tagħna qed jiffaċċjaw bosta sfidi li jinvolvu l-agrikoltura u jridu jaqdu r-rwol tagħhom, u billi l-popolazzjoni tad-dinja hija stmata li se tilħaq 9,6 biljun ruħ sal-2050, li jfisser li se jkun hemm madwar 2,4 biljun ruħ aktar minn issa;

B.

billi medja ta' mill-anqas terz tal-ikel prodott, u f'ċerti setturi, kważi nofs, jinħela, u billi wieħed mill-aktar metodi effettivi biex tintlaħaq din id-domanda mistennija, filwaqt li ma jinħlewx ir-riżorsi skarsi, hu l-isfruttament ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi biex tiżdied il-produzzjoni, jittejbu l-mezzi ta' distribuzzjoni u tiġi indirizzata l-ħela tal-ikel;

C.

billi dejjem qiegħda tikber id-domanda għall-produzzjoni ta' aktar ikel li jkun sikur, tajjeb għas-saħħa u nutrittiv għal ċittadini tal-UE u għal ċittadini globali sabiex jiġu indirizzati l-malnutrizzjoni, l-obeżità, il-mard kardjo-vaskulari, eċċ.; u billi l-istandards ta' kwalità għolja tal-ikel tal-UE igawdu rikonoxximent mad-dinja kollha;

D.

billi hemm ħafna alternattivi għall-użu tal-art li jikkompetu mal-biedja, fosthom l-urbanizzazzjoni, l-industrija, it-turiżmu u r-rikreazzjoni;

E.

billi materja prima agrikola toffri prospettivi għal tkabbir fil-kimika ekoloġika;

F.

billi l-objettiv li l-agrikoltura ssir aktar sostenibbli qed isir dejjem aktar importanti għall-operaturi, minħabba l-ħtieġa li jiġu kkontrollati l-ispejjeż sabiex jiġu salvagwardjati l-introjti, min-naħa l-waħda, u sabiex ikun hemm reazzjoni għat-tnaqqis u d-degradazzjoni tar-riżorsi naturali (il-ħamrija, l-ilma, l-arja u l-bijodiversità) min-naħa l-oħra; billi l-agrikoltura hija responsabbli għal 70 % tal-użu tal-ilma ħelu tad-dinja, u billi d-disponibilità tal-ilma diġà hija limitazzjoni ewlenija fuq il-produzzjoni agrikola f'xi reġjuni tal-UE u fid-dinja; billi l-użu ta' ilma tax-xorb fl-agrikoltura jista' jitnaqqas b'mod sinifikanti permezz tal-użu effettiv ta' tekniki ta' irrigazzjoni moderni u permezz tat-tkabbir ta' għelejjel xierqa għall-klima lokali;

G.

billi fertilizzanti tan-nitroġenu jirriżultaw f'rendimenti għoljin iżda l-manifattura tagħhom hi responsabbli għal madwar 50 % tal-enerġija tal-fjuwils fossili kkunsmati mis-sistemi ta' produzzjoni agrikola;

H.

billi huwa previst li d-domanda globali għall-enerġija se tiżdied b'40 % sal-2030, u billi issa għandha tingħata kunsiderazzjoni serja biex tintlaħaq din id-domanda permezz ta' taħlita ta' effiċjenza enerġetika miżjuda u enerġija sigura li tinkludi s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli; billi r-riċerka wriet li katini agroalimentari iqsar li jistgħu jwasslu għal użu ta' enerġija mnaqqas, u dan hu ta' benefiċċju ambjentali u għall-ispejjeż;

I.

billi sa 40 % tar-rendimenti tal-għelejjel globali jiġu mitlufa minħabba organiżmi ta' ħsara u mard tal-pjanti kull sena, u billi dan il-perċentwal huwa mistenni li jiżdied b'mod sinifikanti fis-snin li ġejjin; billi jeħtieġ li jiġi evitat li din iċ-ċifra tiżdied aktar, fost l-oħrajn permezz ta' approċċi sistemiċi u l-adattament tal-mudelli ta' produzzjoni eżistenti, u billi t-tibdil fil-klima qed jikkontribwixxi għal dan it-telf u jwassal għall-feġġ ta' organiżmi ta' ħsara u mard tal-pjanti ġodda;

J.

billi t-tisħin globali qed jiġġenera fenomeni metereoloġiċi estremi li jirriżultaw f'nixfiet jew f'għargħar li jikkawżaw dannu sostanzjali lil dawk il-gruppi tal-popolazzjoni milquta u joħolqu riskji serji għas-sigurtà tal-ikel tagħhom; u billi r-reżiljenza klimatika f'agroekosistemi bijoloġikament u strutturalment differenti tista' tgħin biex jitnaqqas dan ir-riskju;

K.

billi l-potenzjal ġenetiku tal-għelejjel tal-UE mhuwiex qiegħed jiġi realizzat konsistentement fl-azjendi agrikoli tal-Ewropa, fejn ir-rendimenti ma baqgħux jikbru f'dawn l-aħħar snin;

L.

billi d-diversità u l-kwalità tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għandhom rwol kruċjali għar-reżiljenza u l-produttività agrikoli, u għalhekk huma fattur determinanti għall-biedja u s-sigurtà tal-ikel fit-tul;

M.

billi t-tnaqqis tad-“distakk ta' rendiment” joħloq problema partikolari għall-agrikoltura sostenibbli fl-aġenda tar-riċerka;

N.

billi l-biedja ta' preċiżjoni tinvolvi l-użu ta' awtomatizzazzjoni u ta' teknoloġiji oħra biex jittejbu l-preċiżjoni u l-effiċjenza tal-prattiki ewlenin ta' ġestjoni fl-agrikoltura, bl-użu ta' approċċi bbażati fuq sistemi li jiġbru u janalizzaw id-dejta u jottimizzaw l-interazzjonijiet bejn it-temp, il-ħamrija, l-ilma u l-għelejjel, u billi fl-aħħar mill-aħħar il-biedja ta' preċiżjoni hija maħsuba biex tnaqqas l-użu tal-pestiċidi, tal-fertilizzanti u tal-ilma filwaqt li ttejjeb il-fertilità tal-ħamrija u tottimizza r-rendimenti;

O.

billi x-xjenza tal-ħamrija turina li ħamrija b'saħħitha u ħajja trawwem u tipproteġi l-għelejjel permezz ta' speċijiet ta' benefiċċju li jiddefendu kontra patoġeni u organiżmi ta' ħsara u wkoll tipprovdi l-għelejjel b'nutrijenti u ilma waqt li l-għelejjel jipprovdu zokkor mill-efużjonijiet tal-għeruq tal-pjanti; billi l-prattiki agrikoli jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-kwalità bijoloġika, kimika u fiżika tal-ħamrija, b'konsegwenzi li jinkludu l-erożjoni tal-ħamrija, id-degradazzjoni tal-istrutturi tal-ħamrija u t-telf tal-fertilità;

P.

billi l-benefiċċji ta' teknoloġiji innovattivi m'għandhomx ikunu limitati għal tip wieħed ta' prattika agrikola u jeħtieġ li jkunu applikabbli għal kull tip ta' biedja, kemm jekk konvenzjonali kif ukoll jekk organika, tat-trobbija tal-bhejjem jew tal-uċuħ tar-raba', fuq skala żgħira jew fuq skala kbira;

Q.

billi n-numru ta' sustanzi attivi fil-pestiċidi naqset b'70 % bejn l-1993 u l-2009, filwaqt li żdiedet il-preżenza tat-tifqigħat ta' organiżmi ta' ħsara fl-Unjoni Ewropea; billi l-proċess ta' approvazzjonijiet, inklużi l-kriterji għad-definizzjoni ta' sustanzi attivi u għal sustanzi ġodda li jikkostitwixxu alternattiva għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, qiegħed isir dejjem aktar ta' sfida għall-agrikoltura tal-UE u għaċ-ċittadini tagħha; billi hemm ħtieġa urġenti biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' sustanzi attivi għal użi minuri;

R.

billi soluzzjonijiet insuffiċjenti għall-protezzjoni tal-għelejjel jipperikolaw il-kwalità, id-diversità u l-produzzjoni sostenibbli ta' għelejjel tal-ikel fl-UE, u dan għandu impatt dirett li ġie stmat li jammonta għal aktar minn EUR 1 biljun, inkluż it-telf fil-produzzjoni u spejjeż addizzjonali għall-bdiewa;

S.

billi ċikli qosra fil-prijoritajiet ta' finanzjament għall-politika u għar-riċerka jistgħu jkunu ta' dannu għall-ħiliet, l-infrastruttura u l-innovazzjoni fl-agrikoltura, u billi għandha tingħata prijorità lit-trasferiment effiċjenti tar-riżultati tar-riċerka mix-xjenza għall-bdiewa, u għal programmi ta' riċerka ffukati fuq it-titjib tas-sostenibilità tal-agrikoltura, it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni u ż-żieda fil-kompetittività;

Biedja ta' Preċiżjoni (PF)

1.

Jinnota li s-settur agrikolu dejjem iddependa fuq mudelli ta' negozju u prattiki ġodda tal-biedja li jinkludu tekniki u metodi ta' produzzjoni ġodda li jżidu l-produzzjoni u jadattaw għal ċirkostanzi ġodda u li jinbidlu; jenfasizza li s-servizzi tal-ekosistema, bħaċ-ċiklaġġ tan-nutrijenti, huma ferm importanti għall-agrikoltura, u li xi funzjonijiet bħall-assorbiment tal-karbonju, jmorru lil hinn mill-produzzjoni tal-ikel;

2.

Jinsab konvint li l-innovazzjoni għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi għall-kisba ta' agrikoltura sostenibbli fl-UE, u jqis li teknoloġiji ta' biedja ta' preċiżjoni huma partikolarment importanti biex il-progress ikompli, iżda jirrikonoxxi l-limiti tal-adozzjoni mifruxa tagħhom, inklużi l-affidabilità, il-maniġġabilità u l-għarfien limitat ta' din it-teknoloġija u l-adattabilità tagħha għat-tipi u d-daqsijiet kollha tal-azjendi agrikoli;

3.

Huwa tal-fehma li l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-biedja ta' preċiżjoni jistgħu jiġġeneraw benefiċċji sinifikanti għall-ambjent, iżidu l-introjtu tal-bdiewa, jirrazzjonalizzaw l-użu ta' makkinarju agrikolu u jżidu b'mod sinifikanti l-effiċjenza tar-riżorsi, inkluż l-użu tal-ilma għall-irrigazzjoni; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi politiki għall-istimolu tal-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji ta' biedja ta' preċiżjoni għat-tipi kollha ta' azjendi agrikoli, ikun xi jkun id-daqs tagħhom, u kemm jekk il-biedja tkun tal-għelejjel kif ukoll jekk tal-bhejjem;

4.

Jenfasizza l-ħtieġa partikolari li l-proċess ta' innovazzjoni fil-biedja ta' preċiżjoni jsolvi l-problema ta' “spejjeż għoljin” fl-iżvilupp u l-użu ta' xi teknoloġiji tal-biedja ta' preċiżjoni biex il-bdiewa u l-katina kollha tal-provvista jkunu involuti b'mod attiv fl-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji biex jiżguraw benefiċċji ċari fil-livell tal-azjendi agrikoli u biex jgħinu lill-azjendi agrikoli jsiru aktar reżiljenti;

5.

Jinsab konvint li l-iżvilupp ekonomiku u l-produzzjoni sostenibbli ma jeskludux lil xulxin u jistgħu jinkisbu prinċipalment permezz tal-innovazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġata l-innovazzjoni fit-teknoloġija u l-governanza billi jkun hemm koerenza regolatorja, ċarezza u spazju għall-intraprenditorija, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-innovazzjoni tiġi kkunsidrata espliċitament fir-rieżamijiet u r-riformi li ġejjin tal-leġiżlazzjoni rilevanti; jenfasizza l-fatt li l-agrikoltura Ewropea kapaċi tipproduċi prodotti ta' kwalità għolja u ta' valur miżjud għoli flimkien ma' soluzzjonijiet li jrendu bbażati fuq l-għarfien sabiex tintema' l-popolazzjoni dinjija li kulma jmur qiegħda tikber u ssir aktar eżiġenti;

6.

Jistieden lill-industrija, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu fi sħubija sabiex itejbu l-prestazzjoni u l-adattabilità ta' tekniki robotiċi u ta' biedja ta' preċiżjoni oħra sabiex il-finanzjament għar-riċerka jkun użat b'mod effettiv fl-interessi tal-agrikoltura u l-ortikultura;

7.

Jistieden ukoll lill-industrija biex tisfrutta l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-innovazzjoni għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' biedja ta' preċiżjoni li jkunu aċċessibbli għal kulħadd, biex b'hekk tagħti s-setgħa lill-persuni b'diżabilità, tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u twessa' l-bażi tal-ħiliet u l-opportunitajiet ta' mpjiegi f'komunitajiet rurali;

8.

Jilqa' l-inklużjoni tar-robotika tal-biedja ta' preċiżjoni fil-programm ta' ħidma Orizzont 2020 għall-2016-2017 li għadu kif ġie ppubblikat, iżda jiddispjaċih li l-proposti skont din is-sejħa ma jeħtiġux approċċ li jinvolvi l-partijiet varji, li jista' jfisser li l-bdiewa jkunu esklużi mill-iżviluppi innovattivi; jenfasizza li l-biedja ta' preċiżjoni tista' tnaqqas l-użu tar-riżorsi b'mill-anqas 15 %; iħeġġeġ l-adozzjoni tal-biedja ta' preċiżjoni li tipprovdi approċċi ġodda ta' ġestjoni tal-azjenda agrikola kollha kemm hi, bħalma hu l-makkinarju mmexxi mit-tekonoloġiji tal-GPS/GNSS użati flimkien ma' sistemi ta' inġenji tal-ajru pilotati mill-bogħod (RPAS);

Big data u informatika

9.

Jirrimarka li l-industrija tal-biedja, bħas-setturi l-oħra kollha tal-ekonomija, għaddejja minn proċess ta' bidla; jenfasizza li l-biedja moderna saret possibbli biss permezz tal-aċċettazzjoni ta' progress xjentifiku u teknoloġiku, u li l-avvanzi diġitali wkoll joffru l-possibilità ta' żvilupp ulterjuri fis-settur tal-biedja;

10.

Jenfasizza li l-kollazzjoni u l-analiżi ta' ġabriet integrati ta' dejta għandhom il-potenzjal li jixprunaw l-innovazzjoni fl-agrikoltura u hija partikolarment utli fl-indirizzar u fl-iżvilupp ta' katina tal-ikel effiċjenti u sostenibbli li minnha se jibbenefikaw il-bdiewa, l-ekonomija, il-konsumaturi u l-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli għall-integrazzjoni ta' sistemi kumplessi u frammentati tal-ICT, u dan jistimula l-investiment u jkopri l-ispejjeż tat-taħriġ, u jagħmel il-faċilitajiet meħtieġa aktar aċċessibbli għall-agrikoltura;

11.

Jilqa' l-progress li sar mill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) fl-iżvilupp tal-biedja ta' preċiżjoni; huwa tal-fehma li s-satellita Sentinel 2B tal-ESA, li għandha tiġi mqiegħda fl-orbita fl-aħħar tal-2016, tista' tagħti stampa aktar ċara tal-ammont ta' art assimilata mill-għelejjel u l-foresti, b'tali mod li l-politiki agrikoli jkunu jistgħu jiġu implimentati b'mod aktar effettiv, jiġi razzjonalizzat l-użu tar-riżorsi, u jiġu ottimizzati ż-żminijiet tal-ħsad; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-użu ta' sistemi bbażati fuq is-satelliti;

Il-ħamrija, l-ilma u l-ġestjoni tan-nutrijenti

12.

Jirrikonoxxi li d-degradazzjoni tal-ħamrija hija restrizzjoni kbira fil-produzzjoni agrikola, u jitlob ambizzjonijiet u sforzi akbar biex jittejbu l-prattiki tal-ġestjoni tal-ħamrija u tal-ilma, b'mod partikolari fid-dawl tat-tibdil fil-klima; jilqa' l-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' biedja ta' traffiku kontrollat, li tnaqqas il-ħsara tal-ħamrija kkawżata minn tħaddim żejjed tal-art, u jilqa' wkoll l-isforzi riċenti biex jiġu integrati teknoloġiji ta' telerilevament b'riżoluzzjoni għolja fil-biedja organika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkwantifika l-benefiċċji ambjentali u tal-produzzjoni u ta' dawn it-teknoloġiji ġodda u tiżgura trasferiment tas-sensibilizzazzjoni, tal-għarfien u tat-teknoloġija;

13.

Jitlob li l-bdiewa jiġu inklużi fit-tfassil, l-ittestjar u t-tixrid ta' teknoloġiji ta' ppjanar kartografiku tan-nutrijenti tal-ħamrija sabiex jiġi megħjun it-titjib tal-effikaċja tagħhom;

14.

Jiddispjaċih li l-effiċjenza fl-użu tan-nutrijenti fl-UE huwa baxx ħafna, u jenfasizza li hija meħtieġa azzjoni biex titjieb l-effiċjenza tal-użu tan-nitroġenu (N), il-fosfru (P) u l-potassju (K), sabiex jitnaqqas l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u tittejjeb il-produzzjoni tal-ikel u tal-enerġija; jitlob riċerka mmirata (u l-użu applikat tagħha) sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-monitoraġġ tan-nutrijenti u l-ottimizzazzjoni ulterjuri ta' teknoloġiji b'rata varjabbli;

15.

Jaqbel li l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u prattiki agrikoli innovattivi jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jitnaqqas l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, tal-fertilizzanti u l-ilma, kif ukoll jiġġieldu kontra l-erożjoni tal-ħamrija;

Diversità ġenetika

16.

Huwa tal-fehma li t-telf tad-diversità ġenetika tul l-aħħar seklu jhedded is-sigurtà tal-ikel/għalf u jimmina l-politiki tal-UE dwar l-agrikoltura sostenibbli, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-istrateġiji ta' adattament għat-tibdil fil-klima; jemmen li l-monokultura u nuqqas ta' rotazzjoni tal-għelejjel huwa fattur ewlieni f'dan it-telf; iqis il-varjetajiet tal-pjanti u l-ispeċijiet ta' bhejjem kollha, inklużi r-razez lokali, il-qraba selvaġġi u kważi selvaġġi tagħhom, u varjetajiet antiki u oriġinali essenzjali biex tinżamm id-diversità ġenetika, programmi ta' tnissil u l-produzzjoni ta' ikel suffiċjenti, nutrittiv u tajjeb għas-saħħa;

17.

Huwa tal-fehma li r-regolamentazzjoni tal-UE għandha tippermetti li l-bdiewa u n-nissiela jagħmlu l-aħjar użu minn dawn ir-riżorsi ġenetiċi għall-ħarsien tal-bijodiversità u l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta' varjetajiet ġodda; jenfasizza li r-regolamenti tal-UE dejjem għandu jkollhom l-għan li ma jimminawx tali proċessi innovattivi billi jpoġġu piż amministrattiv mhux meħtieġ fuq in-nissiela u l-bdiewa;

18.

Jenfasizza l-ħtieġa għal djalogu akbar bejn banek ġenetiċi tal-pjanti, riċerka tal-pjanti privata u pubblika, in-nissiela, l-utenti finali u l-atturi l-oħra kollha involuti fil-konservazzjoni u l-użu tar-riżorsi ġenetiċi, sabiex tinbena r-reżiljenza u jintlaqgħu l-isfidi ta' biedja sostenibbli madwar l-Ewropa;

19.

Jenfasizza l-appoġġ preċedenti mid-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (AGRI) u d-DĠ Riċerka u Innovazzjoni (RTD) għal attivitajiet ta' konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi, pereżempju, in-Netwerk Ewropew għall-Konservazzjoni taż-Żerriegħa Indiġena (ENSCONET), iżda jitlob li programmi suċċessuri tiegħu jkomplu jappoġġaw attivitajiet ta' konservazzjoni ġenetika tal-għelejjel u tal-bhejjem, speċjalment l-użu fl-għalqa ta' riżorsi ġenetiċi permezz ta' miżuri mittieħda fl-azjenda agrikola stess;

20.

Jenfasizza l-importanza tal-ftuħ tal-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi għal diversità akbar ta' speċijiet ta' pjanti u ta' bhejjem u għall-finanzjament tar-riċerka f'dan il-qasam biex jirriżulta f'titjib teknoloġiku għall-agrikoltura u l-ortikultura;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għal strateġija Ewropea għas-salvagwardja tad-diversità ġenetika fl-agrikoltura prevista fil-Miżura 10 tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2020;

22.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa tal-użu ta' ġabriet ta' ġermoplażma biex jiġu identifikati u karatterizzati l-karatteristiċi għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, r-reżistenza għall-organiżmi ta' ħsara u għall-mard u attributi oħra li jagħtu kwalità u reżiljenza mtejba; iqis li dan jeħtieġ li titqiegħed enfasi akbar fuq il-fenotipaġġ, li huwa ostaklu partikolari għal ħafna għelejjel;

23.

Jinnota li l-aktar mod effikaċi biex tinżamm id-diversità ġenetika fl-agrikoltura hija bl-użu tagħha in vivo; jinnota li mit-tliet kriterji DUS (distintività, uniformità u stabilità) applikati għall-katalgi uffiċjali taż-żerriegħa tal-UE, l-uniformità u l-istabilità mhumiex karatteristiċi naturali fi pjanti ġenetikament differenti; jinnota li l-adattament għat-tibdil fil-klima huwa dipendenti fuq varjazzjoni ġenetika għolja; jinnota s-swieq taż-żerriegħa dejjem aktar konċentrati u l-varjazzjoni mnaqqsa għal kull varjetà; iħeġġeġ ir-rwol ta' sistemi ta' biedja taż-żerriegħa u skambji fl-għoti tas-setgħa lill-bdiewa, u jirrikonoxxi t-tnissil parteċipattiv bħala tradizzjoni twila ta' innovazzjoni fil-komunitajiet rurali;

24.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa taż-żamma u l-użu ta' riżorsi ġenetiċi sabiex ikun hemm sigurtà tal-ikel fit-tul u t-twessigħ tal-bażi ġenetika ta' programmi moderni għat-tnissil tal-pjanti u tal-bhejjem; jirrikonoxxi li l-azjendi agrikoli organiċi qegħdin jiffaċċjaw nuqqas ta' varjetajiet ġodda li huma reżistenti għall-organiżmi ta' ħsara u għall-mard u li jistgħu jiġu kkultivati mingħajr l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; jappoġġa l-kunċett tal-qsim tal-aċċess u tal-benefiċċji, iżda jħeġġeġ implimentazzjoni tal-Protokoll ta' Nagoya, skont ir-Regolament (UE) Nru 511/2014 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2015/1866 ħalli n-nissiela ma jiġux skoraġġiti minħabba l-kumplessità u l-ispejjeż tal-użu ta' materjal selvaġġ għall-introduzzjoni ta' karatteristiċi ġodda bħalma huma r-reżistenza għall-organiżmi ta' ħsara u l-mard, il-kwalità nutrittiva u r-reżiljenza ambjentali; jinnota li dan għandu jsir mingħajr ma titneħħa s-setgħa tal-komunitajiet rurali li ħarsu speċijiet u nisslu varjetajiet matul is-snin;

25.

Iqis li huwa essenzjali li tinżamm u tiġi żviluppata l-prestazzjoni ta' razez lokali, minħabba l-kapaċità tagħhom li jadattaw għall-karatteristiċi tal-ambjent nattiv tagħhom, u biex id-drittijiet tal-bdiewa li jnisslu l-pjanti b'mod awtonomu u jaħżnu u jiskambjaw żrieragħ ta' speċijiet u varjetajiet differenti jridu jiġu rrispettati sabiex tiġi garantita d-diversità ġenetika tal-agrikoltura Ewropea;

26.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa tal-appoġġ ta' newba tal-għelejjel adattata li tibqa' profittabbli għall-bdiewa; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tinżamm firxa ta' għodod ta' protezzjoni tal-għelejjel adattata għal firxa wiesgħa ta' għelejjel, flimkien ma' riżorsi ġenetiċi; jenfasizza li, mingħajr tali għodod, id-diversità tal-għelejjel li jistgħu jiġu prodotti b'mod profittabbli jkun affettwat b'mod gravi;

Tnissil bi preċiżjoni

27.

Jappoġġa l-ħtieġa ta' progress kontinwu fit-tnissil innovattiv permezz tal-applikazzjoni ta' tekniki sikuri u ppruvati mmirati biex iżidu mhux biss il-firxa ta' karatteristiċi reżistenti għal organiżmi ta' ħsara u għall-mard fl-għelejjel, iżda wkoll il-firxa ta' materja prima għall-ikel b'karatteristiċi nutrittivi u ta' ġid għas-saħħa fis-suq;

28.

Iqis li huwa importanti li jiġi żgurat appoġġ sostnut għall-iżvilupp u l-użu ta' għodod teknoloġiċi tal-ġejjieni li jistgħu jippermettu t-tnissil b'suċċess biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali li ġejjin;

29.

Iqis li huwa opportun li l-Kummissjoni tippubblika r-rapport finali tal-grupp ta' ħidma dwar “Tekniki Ġodda” u tuża s-sejbiet xjentifiċi tiegħu bħala l-bażi biex, fost l-oħrajn, jiġi ċċarat l-istatus ġuridiku tat-tekniki ta' tnissil li attwalment jinsabu taħt skrutinju u l-użu ta' analiżi ġuridika soda fid-deliberazzjonijiet tagħha;

30.

Jinkoraġġixxi djalogu miftuħ u trasparenti fost il-partijiet interessati kollha u l-pubbliku dwar l-iżvilupp responsabbli ta' soluzzjonijiet ta' preċiżjoni għolja u innovattivi għal programmi ta' tnissil, fosthom dwar ir-riskji u l-benefiċċji tagħhom; jinnota li dan se jeħtieġ sforzi biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-fehim ta' tekniki ġodda bejn il-bdiewa u l-pubbliku ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-konsumaturi u l-bdiewa jkunu suffiċjentement edukati rigward tekniki ta' tnissil ġodda u emerġenti sabiex jiġi żgurat li dibattitu pubbliku miftuħ u informat ikun jista' jseħħ;

31.

Jesprimi tħassib dwar id-deċiżjoni riċenti tal-Bord Estiż tal-Appell tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) tal-25 ta' Marzu 2015 fil-Kawżi G2/12 u G2/13;

Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPPs)

32.

Jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' rieżami tal-implementazzjoni tal-qafas regolatorju għall-PPPs u l-iżvilupp ta' sistema ta' valutazzjoni u approvazzjoni koerenti, effiċjenti, prevedibbli, ibbażata fuq ir-riskju u xjentifikament soda; iqis li huwa importanti li l-bdiewa kemm jista' jkun inaqqsu d-dipendenza fuq il-pestiċidi, filwaqt li jinnota li l-produzzjoni ta' ikel u għalf topera f'ambjent kompetittiv, internazzjonali; iqis li huwa importanti li jiġu żviluppati PPPs li huma effettivi f'termini ta' nfiq, li jistgħu jintużaw b'mod sikur u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;

33.

Jilqa' l-inizjattivi REFIT tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016 li jobbligaw lill-UE twettaq evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tar-Regolament (KE) Nru 396/2005; jenfasizza li l-proċess REFIT m'għandux iwassal biex jitbaxxew l-istandards ta' sikurezza tal-ikel u tal-protezzjoni tal-ambjent;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-rapport tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill għażliet għall-emendar u t-titjib tal-leġiżlazzjoni attwali, u b'mod partikolari dwar il-funzjonament tar-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet u l-proċess tal-evalwazzjonijiet taż-żoni;

35.

Jissottolinja t-tħassib li s-sistema żonali tal-awtorizzazzjonijiet mhux qed tiffunzjona minħabba l-użu kontinwat ta' metodoloġiji ta' awtorizzazzjoni nazzjonali antikwati u jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza s-sistema ta' approvazzjoni li tiżgura r-rikonoxximent reċiproku ta' prodotti bejn l-Istati Membri fiż-żoni identifikati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

36.

Jilqa' l-aħħar Netwerk Ewropew ta' Żoni ta' Riċerka (IPM-ERANET) – dwar il-Ġestjoni Integrata tal-Organiżmi ta' Ħsara u l-pjattaforma ta' koordinazzjoni ġdida għal “użu minuri”, iżda jqis li l-pjattaforma tista' tiġi sfruttata aħjar biex jiġu koperti r-riċerka u l-innovazzjoni bl-għan li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' soluzzjonijiet għall-protezzjoni tal-għelejjel għal użu minuri u għelejjel ta' speċjalità;

37.

Jenfasizza l-importanza ta'l-valutazzjoni trasparenti tal-impatti ta' sustanzi attivi bl-għan li tiġi żgurata agrikoltura sostenibbli f'konformità mal-liġi tal-UE, u tal-evalwazzjoni komprensiva tar-riskji u l-perikli assoċjati mal-użu ta' prodotti, u jfakkar li għandu jintuża l-prinċipju ta' prekawzjoni meta l-livell ta' inċertezza jkun għoli wisq biex tkun żgurata s-saħħa pubblika jew kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin;

38.

Jistieden lid-DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari (SANTE) jistabbilixxi kriterji ċari għad-definizzjoni ta' sustanzi attivi b'riskju baxx għall-iżvilupp u l-użu ta' pestiċidi b'riskju baxx, filwaqt li jqis l-għarfien xjentifiku li qed jevolvi u jiggarantixxi li jiġu milħuqa l-għanijiet tas-saħħa u tal-protezzjoni ambjentali, u jiġi garantit li d-dejta dwar is-sikurezza tkun preżenti għall-kriterji applikati għas-sustanzi kollha ta' riskju potenzjali baxx;

39.

Huwa tal-fehma li sustanzi b'riskju baxx, inklużi alternattivi mhux kimiċi għall-PPPs, bħall-kontrolli bijoloġiċi, għandhom jingħataw prijorità għall-evalwazzjoni mill-Istati Membri relaturi u mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) sabiex dan jgħin fl-ilħiq tal-għanijiet tad-Direttiva 2009/128/KE dwar ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara u l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, speċjalment għall-użu tal-prodotti fuq għelejjel minuri u ta' speċjalità;

40.

Jenfasizza l-fatt li l-bdiewa għandu jkollhom aktar għażliet disponibbli għalihom biex jipproteġu l-għelejjel tagħhom u biex jiddeċiedu liema miżura tipproteġi l-għelejjel tagħhom bl-aħjar mod; għaldaqstant jinkoraġġixxi użu usa' ta' diversi alternattivi għall-pestiċidi tradizzjonali, inklużi bijopestiċidi, bħala komponent ta' ġestjoni integrata ta' organiżmi ta' ħsara, u jitlob li jsiru aktar sforzi biex jiġu żviluppati alternattivi aktar kosteffikaċi billi tiġi appoġġata riċerka fuq il-post u aktar espożizzjoni ta' alternattivi mhux kimiċi u miżuri ta' riskju baxx u pestiċidi li jirrispettaw aktar lill-ambjent;

41.

Jinnota li l-kontrolli bijoloġiċi huma metodi li jipproteġu l-għelejjel ibbażati fuq l-użu ta' organiżmi ħajjin jew sustanzi naturali u jistgħu jnaqqsu l-użu ta' pestiċidi tradizzjonali u jikkontribwixxu għal reżiljenza tal-pjanti aħjar;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni u tistabbilixxi grupp ta' esperti biex taħdem favur sistema ta' ġestjoni tal-organiżmi ta' ħsara aktar sostenibbli; jenfasizza l-potenzjal ta' ġestjoni tal-organiżmi ta' ħsara li ttejjeb l-interazzjoni bejn l-isforzi tat-tnissil tal-pjanti, is-sistemi ta' difiża naturali u l-użu tal-pestiċidi;

43.

Jiddispjaċih mill-progress dgħajjef tal-Istati Membri u l-Kummissjoni f'li rispettivament jimplimentaw u jevalwaw l-implimentazzjoni tal-IPM u tad-Direttiva 2009/128/KE;

L-iżvilupp tal-ħiliet u t-trasferiment tal-għarfien

44.

Jirrikonoxxi li l-iżvilupp ta' teknoloġiji marbutin mal-agrikoltura jeħtieġ għadd ta' ħiliet li huma speċjalizzati kif ukoll approċċ transdixxiplinarju – dawn jinkludu, fost dixxiplini oħra, ix-xjenza ġenerali tal-pjanti, tal-bhejjem u tal-ambjent, il-fiżjoloġija u l-inġinerija;

45.

Jiddispjaċih dwar iż-żieda fin-nuqqas ta' ħiliet f'bosta minn dawn il-professjonijiet, u jistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu fi sħubija mal-industrija, mal-istituzzjonijiet ta' riċerka u ma' partijiet interessati oħra fit-tfassil ta' programmi ta' żvilupp rurali li jmiss tagħhom, inklużi s-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni (EIPs), bl-għan li jidentifikaw opportunitajiet biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet u t-trasferiment tal-għarfien f'dawn l-oqsma, inkluż permezz ta' taħriġ u apprendistati għall-bdiewa żgħażagħ u għall-bdiewa ġodda;

46.

Jistieden lis-settur tat-teknoloġiji agrikoli biex itejjeb il-koordinazzjoni u l-integrazzjoni ta' wirjiet fl-azjendi agrikoli u l-użu ta' azjendi agrikoli għall-wiri u l-monitoraġġ bl-għan li tinqasam l-aħjar prattika fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew, bl-użu ta' programmi, inizjattivi jew riżorsi attwalment disponibbli jew ġodda;

47.

Jirrikonoxxi l-potenzjal li l-biedja ta' preċiżjoni u l-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali jista' jkollhom biex l-agrikoltura ssir aktar attraenti għall-bdiewa żgħażagħ u jinħolqu opportunitajiet ġodda għat-tkabbir u l-impjiegi fiż-żoni rurali; jemmen li l-investiment fl-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji jista' jrawwem bidla ġenerazzjonali fil-biedja;

Il-prijoritajiet tar-riċerka u l-finanzjament

48.

Jirrikonoxxi l-isfidi fit-tul marbutin mal-agrikoltura sostenibbli u mal-ortikultura, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw pjan ta' investiment fit-tul, filwaqt li tingħata prijorità lil approċċ settorjali, b'kontinwità fil-finanzjament għal riċerka bażika u applikata, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu t-taħriġ għall-ispeċjalisti fl-agrikoltura sostenibbli, u biex jiġi żgurat li l-konsulenza esperta tkun disponibbli;

49.

Iqis li l-pjan għandu jinkludi soluzzjonijiet kosteffikaċi u jkun applikabbli għal produtturi fuq skala żgħira, iż-żoni rurali u dawk ultraperiferiċi u r-reġjuni muntanjużi; jenfasizza li l-bdiewa huma l-akbar protetturi tal-ambjent fl-Ewropa u jeħtieġu aċċess kontinwu għal innovazzjoni u riċerka, li jippermettilhom jipproduċu ikel, għalf u prodotti oħra b'mod aktar sostenibbli u kosteffikaċi, filwaqt li jitħares l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet futuri u jittejbu s-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistemi;

50.

Jilqa' l-progress magħmul fir-riċerka applikata f'dawn l-aħħar snin, iżda jitlob għal sforzi akbar li jiggarantixxu t-trasferiment tal-għarfien lill-utenti finali u li jinvolvu l-bdiewa u utenti oħra tat-teknoloġiji u prodotti agrikoli, inklużi l-azjendi agrikoli żgħar;

51.

Jitlob li s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għal agrikoltura kompetittiva u sostenibbli, li tinsab fit-tieni pilastru tal-PAK, tiġi intensifikata sabiex jinħolqu sħubijiet ta' atturi innovattivi, inklużi l-bdiewa kollha, u b'mod partikolari l-bdiewa fuq skala żgħira, aktar 'il bogħod miċ-ċentri ta' teħid ta' deċiżjonijiet Ewropej;

52.

Jinnota li fl-Istati Membri fejn sħubijiet pubbliċi-privati huma użati b'mod intelliġenti, kien hemm mixja aktar qawwija lejn ir-riċerka applikata u involviment akbar tal-utenti finali;

53.

Iqis li hu essenzjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw proġetti li jiffukaw fuq l-iżvilupp ta' prattiki agrikoli u varjetajiet tal-għelejjel aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, inklużi varjetajiet lokali speċjalizzati, li huma mmirati lejn il-konservazzjoni u t-titjib tal-fertilità tal-ħamrija u l-iskambju tan-nutrijenti, speċjalment minħabba n-nuqqas dejjem jikber ta' disponibilità tal-ilma u ta' ċerti komponenti ewlenin ta' fertilizzanti bħall-fosfat; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-investimenti fl-ekonomija ċirkolari u prattiki ta' biedja li jirrispettaw il-klima, b'finanzjament adegwat ta' inċentivi għar-riċerka u użu mill-bdiewa; jissottolinja li l-merti tal-akkwaponika, iċ-ċiklaġġ tas-sustanzi nutrittivi f'ċiklu magħluq, l-agroekoloġija, inkluża l-agroforestrija, l-agrikoltura ta' konservazzjoni u ġestjoni sostenibbli tal-foresti, is-sapropel, il-ktajjen tal-ikel qosra, il-bur ibbażat fuq il-mergħa u l-produzzjoni ta' input baxx għandhom ikunu evalwati, żvelati u inċentivati kif jixraq;

54.

Iqis ukoll li huwa essenzjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw proġetti innovattivi għall-produzzjoni ta' prodotti u servizzi li mhumiex tal-ikel (il-bijoekonomija, l-enerġija rinnovabbli, eċċ.) bil-ħsieb tal-iżvilupp ta' industrija agrikola aktar effiċjenti fir-riżorsi (użu aħjar tal-ilma, l-enerġija, l-ikel għall-għelejjel u l-bhejjem, eċċ.), u waħda li hija aktar awtonoma;

55.

Jinnota li, fil-biċċa l-kbira tal-UE, ċentri indipendenti jew finanzjati pubblikament għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-innovazzjoni fl-agrikoltura naqsu fl-għadd jew ma jipprovdux adegwatament għal approċċi transdixxiplinari f'oqsma emerġenti bħall-inġinerija agrikola; jirrikonoxxi li f'xi Stati Membri l-kwalifiki tal-bdiewa għadhom limitati, li jfisser li l-aċċess għal, u l-applikazzjoni ta', teknoloġiji ġodda, hija aktar diffiċli, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan Ewropew għall-investiment f'taħriġ u edukazzjoni agrikoli tekniċi jew ta' livell għoli;

56.

Jilqa' s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-Produttività u Sostenibilità fil-qasam Agrikolu (EIP-AGRI) li tnediet dan l-aħħar, li għandha l-għan li tgħaqqad ir-riċerka u l-biedja fil-prattika, u jistieden lill-Kummissjoni biex ikollha rwol attiv fil-promozzjoni ta' koordinazzjoni f'livell nazzjonali u transfruntier għall-promozzjoni ta' aġenda ta' innovazzjoni espliċita marbuta ma' Orizzont 2020 u li tiggarantixxi t-trasferiment tal-għarfien xieraq għall-utenti finali;

57.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu aktar biex ikabbru s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-valur tal-biedja fl-UE, u biex jiżviluppaw ċentri trans-Ewropej għall-innovazzjoni agrikola li jistgħu juru u jippermettu aċċess xieraq għal teknoloġiji innovattivi ġodda, l-agrikoltura sostenibbli, is-sigurtà tal-ikel u s-sovranità;

58.

Jenfasizza li l-attivitajiet ta' dawn iċ-ċentri għandhom jippermettu l-aċċess għal teknoloġiji ġodda mhux biss għal agrikoltura sostenibbli iżda wkoll għal żvilupp rurali sostenibbli permezz ta' ħidma fi ħdan il-komunitajiet, ma' SMEs rurali, kooperattivi u organizzazzjonijiet tal-produtturi; jissottolinja li dawn għandhom ikunu trasparenti u miftuħa għall-pubbliku ġenerali u l-bdiewa, u għandu jkollhom approċċ transsettorjali, billi jrawmu djalogu fost is-setturi li jistgħu jintlaqtu mill-innovazzjoni b'modi differenti;

59.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li flimkien mal-innovazzjonijiet teknoloġiċi u xjentifiċi, it-tekniki tradizzjonali u l-azjendi agrikoli jkunu jistgħu jkomplu jirnexxu, peress li dawn jikkostitwixxu assi enormi, peress li huma sors ta' diversità kulturali, rurali u turistika, u jipprovdu għajxien għal bosta bdiewa Ewropej fuq skala żgħira f'ħafna reġjuni;

60.

Jistieden lill-Istati Membri jużaw aħjar l-istrumenti finanzjarji maħluqa taħt il-Memorandum ta' Ftehim konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment fir-rigward tal-iżvilupp agrikolu u rurali għall-perjodu 2014-2020;

61.

Jenfasizza l-valur miżjud assoċjat ma' dawn l-istrumenti, speċjalment f'termini ta' effetti ta' ingranaġġ u garanziji ta' self immirati biex jixprunaw l-implimentazzjoni tal-aġenda għar-riċerka tal-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli, inkluża l-Isfida Soċjetali numru 2 tal-Orizzont 2020; isemmi, b'mod partikolari, l-utilità tagħhom għat-tnaqqis tal-ħtiġijiet u r-riskji tal-investiment għall-bdiewa li jixtiequ jadottaw teknoloġija u metodi ta' biedja ta' preċiżjoni li jiswew ħafna;

Inżommu lill-Ewropa fil-qalba tal-iżvilupp xjentifiku u tal-innovazzjoni

62.

Jinnota li żoni rurali, inklużi r-reġjuni l-aktar periferiċi u r-reġjuni muntanjużi, huma aktar esposti għat-tibdil fil-klima reali u potenzjali, li tagħmilhom anqas attraenti u aktar suxxettibbli għal popolazzjoni li qed tixjiħ u għad-depopolazzjoni; jirrikonoxxi li l-agrikoltura għandha titħalla tadatta ruħha sabiex tiffaċċja ċirkostanzi li qed jinbidlu permezz tal-użu tas-soluzzjonijiet teknoloġiċi kollha disponibbli biex ikun żgurat li l-art agrikola tintuża b'mod aktar sostenibbli;

63.

Jinnota li teknoloġiji moderni fl-agrikoltura u settur tal-użu tal-art usa' jistgħu jgħinu biex dawn is-setturi jikkontribwixxu b'mod ġust għall-isforzi ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima globali; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa li titwessa' d-definizzjoni ta' “agrikoltura produttiva” u li jiġu appoġġati u rispettati b'mod sħiħ l-artijiet agrikoli li jipprovdu beni pubbliċi fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-assorbiment tal-karbonju, inkluża l-biedja agroekoloġika;

64.

Iqis li huwa essenzjali li tinżamm l-art agrikola f'żoni muntanjużi u żoni periferiċi tal-Unjoni, u jappoġġa l-azzjonijiet kollha biex jiġi żgurat li l-azjendi li jinsabu hemm, fil-biċċa l-kbira fuq skala żgħira, ikollhom ukoll aċċess għal teknoloġija avvanzata mfassla għall-ħtiġijiet tagħhom;

65.

Iqis li huwa essenzjali li regolamentazzjoni tal-UE raġonevoli, orjentata lejn is-sikurezza u s-saħħa tal-konsumatur u l-protezzjoni tal-ambjent, ibbażata fuq xjenza indipendenti rieżaminata mill-pari, tippermetti li l-prodotti tal-azjendi agrikoli tal-UE jkunu kompetittivi u attraenti fis-swieq interni u dinjin, u jitlob li dak il-prinċipju jibqa' jinżamm sod;

66.

Jinnota, b'mod partikolari, l-ispejjeż għoljin, il-perjodi twal u l-inċertezza kummerċjali u ġuridika tal-introduzzjoni fis-suq ta' teknoloġiji ġodda u prodotti sostenibbli skont ir-regolamenti attwali tal-UE; jinnota li dawn il-fatti huma terġ' aktar evidenti fir-reġjuni l-aktar periferali, f'żoni rurali remoti, f'żoni żvantaġġati u f'żoni muntanjużi;

67.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża u ttejjeb il-karatteristiċi kollha tar-reġjuni l-aktar periferali billi twettaq proġetti pilota fil-qasam tal-innovazzjoni teknoloġika u xjentifika bl-għan li jitnaqqsu l-iżvantaġġi naturali tagħhom u, minħabba l-iskala żgħira tagħhom, id-diffikultà li jiksbu aċċess u li japplikaw l-aħħar żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi;

68.

Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-qafas regolatorju tagħha b'konformità mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar biex ikunu żgurati proċeduri deċiżjonali f'waqthom, effiċjenti u effikaċi, li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp teknoloġiku tal-UE;

69.

Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Mekkaniżmu l-ġdid ta' Pariri Xjentifiċi (SAM) biex tfassal qafas regolatorju li jpoġġi enfasi akbar fuq l-evidenza xjentifika indipendenti u bbażata fuq ir-riskji waqt li tiddetermina r-riskji, il-perikli u l-benefiċċji fl-adozzjoni jew in-nuqqas ta' adozzjoni ta' teknoloġiji, prodotti u prattiki ġodda;

70.

Jinnota appoġġ wiesa' għall-adozzjoni tal-prinċipju ta' innovazzjoni, li jeħtieġ li l-proposti leġiżlattivi tal-UE jiġu valutati bis-sħiħ f'termini tal-impatt tagħhom fuq l-innovazzjoni;

71.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet aktar mifruxa fil-qasam tal-kooperazzjoni xjentifika fil-livell internazzjonali, bil-ħsieb, inter alia, ta' intensifikazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u l-identifikazzjoni ta' opportunitajiet ta' żvilupp;

o

o o

72.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(4)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(5)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.

(6)  ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.

(7)  ĠU L 162, 30.4.2004, p. 18.

(8)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(9)  Testi adottati, P7_TA(2014)0205.

(10)  Testi adottati, P8_TA(2015)0473.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/62


P8_TA(2016)0252

It-tisħiħ tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp ekonomiku fil-ġestjoni futura tal-farms Ewropej

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar it-tisħiħ tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp ekonomiku fil-ġestjoni futura tal-farms Ewropej (2015/2227(INI))

(2018/C 086/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005,

wara li kkunsidra l-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien, Xjenzi u Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp, li saret min-NU, il-FAO, il-GEF, il-UNDP, il-UNEP, il-UNESCO, il-Bank Dinji u d-WHO,

wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) iffirmat fl-14 ta' Lulju 2014,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar id-defiċit ta' proteini fl-UE: x'soluzzjoni hemm għal problema li ilha teżisti? (1),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2012 dwar “European Innovation Partnership ‘Agricultural productivity and sustainability’” (is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni “Produttività u Sostenibilità Agrikola”) (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-privattivi u d-drittijiet ta' min inissel il-pjanti (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0163/2016),

A.

billi l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (il-FAO) tikkalkula li ż-żieda mistennija fil-popolazzjoni dinjija għal 9,1 biljuni sal-2050 se teħtieġ, fix-xenarju ta' żamma tal-istatus quo, żieda ta' 60 % fil-provvista tal-ikel li għandha tkun sikura u ta' kwalità għolja u żieda ta' 24 % fir-rendiment tal-uċuħ tar-raba' fil-pajjiżi żviluppati sa dik id-data, filwaqt li r-riżorsi jiġu ppreservati għall-ġenerazzjonijiet futuri u jiġu pprevenuti l-ħela u t-telf tal-ikel, li bħalissa jammontaw għal aktar minn terz tal-produzzjoni globali; billi l-FAO tistma wkoll li se jkun hemm biss żieda ta' 4,3 % fir-raba' sal-2050, li se teħtieġ ġestjoni aħjar tar-riżorsi naturali fil-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-ħamrija fost kwistjonijiet oħra;

B.

billi l-art kullimkien qed tiffaċċja tnaqqis fil-produttività u l-fertilità intrinsiċi kkawżat mid-degradazzjoni tal-art, speċjalment l-erożjoni tal-ħamrija, minħabba t-telf tal-funzjonijiet tal-ekosistema bħalma huma l-formazzjoni tal-ħamrija tal-wiċċ, l-umifikazzjoni, id-dakkir, iż-żamma tal-ilma u ċ-ċiklaġġ tan-nutrijenti; billi hemm kunsens wiesa' li biex dan jiġi riżolt u tinżamm u tittejjeb il-produttività, għandna bżonn inżidu b'mod innovattiv it-twettiq ta' tali funzjonijiet tal-ekosistemi bil-għan li tiġi żgurata r-reżiljenza kontra t-tibdil fil-klima;

C.

billi skont in-NU, jekk għandhom jintlaħqu l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli (GħŻS), il-produttività agrikola se jkollha tirdoppja sal-2030, filwaqt li, fl-istess ħin, is-settur agroalimentari se jkollu jadatta għat-tibdil fil-klima u għal kundizzjonijiet tat-temp li jinbidlu, kif ukoll itejjeb il-kwalità tal-ekosistemi u tal-ħamrija u jimminimizza t-telf tal-bijodiversità; billi, bil-għan li dan jirnexxi, għandha tingħata prijorità lill-użu ta' preparazzjonijiet mikrobijoloġiċi li jżidu l-ħajja tal-ħamrija; billi erbgħa mit-tmien Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tan-NU (MDGs) huma marbuta mal-agrikoltura;

D.

billi t-tkabbir tal-popolazzjoni, dħul medju ogħla u l-bidla fl-imġiba tal-konsumaturi se jwasslu għal preferenzi dijetetiċi riveduti, u se jirriżultaw b'mod partikolari f'domanda ogħla għall-ikel ipproċessat u għall-proteini tal-annimali bħalma huma l-laħam u l-prodotti tal-ħalib;

E.

billi l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema agrikoli u tal-komunitajiet rurali għandha tittejjeb;

F.

billi fuq l-isfond tal-ħafna sfidi u l-għadd dejjem jikber ta' regoli li l-bdiewa jridu jħabbtu wiċċhom magħhom, u l-fatt li r-riżorsi ta' teknoloġija agrikola naqsu u r-rata ta' tkabbir ta' żoni ta' art saqwija majnat konsiderevolment, il-konsumaturi tal-UE qatt ma nefqu fuq l-ikel perċentwal daqstant baxx mid-dħul tagħhom, kif qed jagħmlu bħalissa; billi t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku attwali rriżulta f'livelli ogħla ta' faqar, li spiss iġiegħlu lill-konsumaturi tal-UE jirrikorru għall-assistenza mingħand il-banek tal-ikel;

G.

billi l-FAO tinnota fil-pubblikazzjoni prinċipali tagħha “The State of Food and Agriculture” (“L-Istat tal-Ikel u l-Agrikoltura”) li n-nisa jagħtu kontributi sinifikanti lill-ekonomija rurali fir-reġjuni kollha u r-rwoli tagħhom ivarjaw minn reġjun għall-ieħor, avolja xorta għad għandhom inqas aċċess mill-irġiel għar-riżorsi u l-opportunitajiet li jeħtieġu biex ikunu aktar produttivi;

H.

billi l-konsumaturi qed jitolbu bi dritt produzzjoni tal-ikel bi standards u valuri ambjentali, nutrittivi u tas-saħħa ogħla u ta' kwalità dejjem aqwa, filwaqt li fl-istess ħin is-settur agrikolu jeħtieġ li jiddiversifika u jkun innovattiv biex jipprovdi ikel ta' kwalità, sikur u bi prezz affordabbli għaċ-ċittadini kollha u jiżgura dħul diċenti u vijabbli għall-produtturi tiegħu;

I.

billi l-produzzjoni tal-azjendi agrikoli jeħtieġ li tiżdied u tittejjeb b'anqas riżorsi minħabba l-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali u l-effetti assoċjati tagħha fuq il-bijodiversità, il-vulnerabilità tal-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-iskarsezza tal-art, flimkien maż-żieda fil-popolazzjoni u t-tibdil fl-imġiba tal-konsumaturi; jinsisti li l-agrikoltura innovattiva għandha tipprovdi impronta ekoloġika iżgħar u tagħmel l-aħjar użu tal-proċessi naturali u tas-servizzi tal-ekosistemi inklużi l-enerġija rinnovabbli u konsum akbar ta' prodotti agroalimentari lokali;

J.

billi, mudell ta' agrikoltura aktar effiċjenti fir-riżorsi li jkun aktar kapaċi jottimizza l-prodotti tagħha huwa essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sostenibilità għall-azjendi agrikoli kollha, ikun x'ikun id-daqs tagħhom, u biex dawn jiġu mgħammra aħjar biex jippreservaw ir-riżorsi naturali u l-ambjent;

K.

billi l-iżvilupp ta' mudelli aktar sostenibbli ta' agrikoltura maħsub mhux biss biex jipprovdi l-ikel għan-nies iżda wkoll biex jipproduċi oġġetti u servizzi mhux tal-ikel jirrappreżenta potenzjal sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi f'kull reġjun, mhux biss fis-settur alimentari (tal-bnedmin u tal-annimali) iżda wkoll fis-settur tal-bijoekonomija, f'dak tal-kimika ekoloġika, f'dak tal-enerġija rinnovabbli u f'dak tat-turiżmu, eċċ.; billi dawn huma wkoll spiss ħafna impjiegi li ma jistgħux jiġu rilokati;

L.

billi l-UE hija l-akbar esportatriċi ta' prodotti agrikoli fid-dinja, li jagħmel lis-settur agroalimentari wieħed mill-pilastri ekonomiċi ewlenin tal-Unjoni li jimpjega 47 miljun ruħ fi 15-il miljun intrapriża “downstream” f'oqsma bħalma huma l-ipproċessar tal-ikel, il-bejgħ bl-imnut u s-servizzi, u li jikkontribwixxi għal bilanċ kummerċjali pożittiv ta' EUR 17 802 miljun li jirrappreżentaw 7,2 % tal-valur totali tal-esportazzjonijiet tal-UE;

M.

billi l-kompetittività u s-sostenibilità tal-PAK kienu prijoritajiet ewlenin tar-riforma tal-PAK tal-2013; billi s-salvagwardja ta' provvisti tal-ikel sikuri permezz ta' żieda fil-produttività tal-agrikoltura sostenibbli u tal-iżgurar ta' prezzijiet raġonevoli u ġusti għall-bdiewa u l-konsumaturi, kif imsemmi fl-Artikolu 39 tat-TFUE, tista' tirnexxi bl-aħjar mod, inter alia, permezz tal-innovazzjoni; itenni li l-agrikoltura sostenibbli u innovattiva, li tipproduċi prodotti ta' kwalità għolja, tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu bosta għanijiet ta' politika orizzontali tat-TFUE relatati mal-ambjent u s-saħħa; billi l-kompetittività fil-ġejjieni tiddependi, fost affarijiet oħra, mill-produttività u l-fertilità intrinsiċi pprovduti minn proċessi u riżorsi naturali;

N.

billi l-memorandum ta' qbil bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), iffirmat fl-14 ta' Lulju 2014, b'mod espliċitu jħeġġeġ aktar investimenti f'agrikoltura innovattiva, filwaqt li jipprovdi l-istrumenti finanzjarji biex jitrawwem it-teħid tal-investimenti fl-agrikoltura u jinkludi proposta mill-Kummissjoni intiża biex tappoġġja u tespandi l-għodod finanzjarji fis-settur tal-biedja bil-għan li jiġu miġġielda l-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet;

O.

billi s-settur agrikolu kien soġġett għal ċikli frekwenti ta' bidla bil-ħsieb li tittejjeb il-produttività; billi dawn iċ-ċikli kkontribwew b'mod sinifikanti għall-iżvilupp ekonomiku tal-agrikoltura sal-livell attwali tiegħu; billi l-inkorporazzjoni tat-teknoloġiji l-aktar riċenti u l-adattament u l-invenzjoni mill-ġdid ta' dawk eżistenti inklużi l-approċċi organiċi u agroekoloġiċi fil-prattiki tal-biedja se jġibu magħhom benefiċċji sinifikanti għal kull daqs ta' azjendi agrikoli; billi l-akkwakultura għandha potenzjal li mhuwiex esplorat biżżejjed għall-introduzzjoni tal-innovazzjoni fil-prattiki agrikoli tradizzjonali permezz tal-isfruttament tar-riżorsi naturali tal-baħar u tal-oċeani b'mod sostenibbli;

P.

billi f'xi Stati Membri, għal diversi raġunijiet strutturali, żoni kbar ta' art agrikola abbandunata jibqgħu jkunu mhux użati;

1.

Jinnota li l-agrikoltura dejjem żviluppat prattiki, tekniki u metodi ta' produzzjoni ġodda li żiedu l-produzzjoni, tejbu l-adattabilità tal-prattiki tal-biedja għal ċirkostanzi ġodda u li jinbidlu u naqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni; jinnota wkoll li l-agrikoltura u l-forestrija huma partijiet essenzjali mid-dinja naturali tagħna li jipprovdu oġġetti u servizzi li jmorru lil hinn mill-produzzjoni tal-ikel u jistgħu jissaħħu permezz tat-trawwim ta' żviluppi ġodda; jinsab konvint li l-innovazzjoni hija prerekwiżit biex jibqa' jsir dan il-progress;

2.

Jinsab konvint bis-saħħa li l-iżvilupp ekonomiku u l-produzzjoni sostenibbli mhumiex reċiprokament esklussivi u jistgħu jintlaħqu prinċipalment permezz tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, mudelli ġodda ta' governanza u negozju u agronomija mtejba; jenfasizza l-ħtieġa li jingħata appoġġ lill-innovazzjoni fit-teknoloġija u l-governanza billi tiġi pprovduta regolamentazzjoni koerenti u ċara b'lok għall-intraprenditorija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe PAK futura tirrifletti dan u li l-innovazzjoni tiġi espliċitament ikkunsidrata fir-rieżamijiet u r-riformi futuri li jmiss dalwaqt tal-leġiżlazzjoni rilevanti li tagħti aktar rikonoxximent lill-bdiewa ġodda u żgħażagħ b'ideat ġodda u b'mudelli ta' negozju ġodda; jenfasizza l-fatt li l-agrikoltura Ewropea qed tilħaq l-għanijiet tagħha fil-produzzjoni ta' prodotti ta' kwalità għolja u b'valur miżjud għoli, permezz ta' soluzzjonijiet li jġibu profitt u li huma bbażati fuq l-għarfien kif appoġġjat mill-istrateġija Ewropa 2020; jilqa' f'dan ir-rigward il-valutazzjoni li l-Kummissjoni qed tressaq tal-kontribut tal-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija tal-2012 għall-ekonomija ċirkolari, peress li l-bidla minn fjuwils fossili għal enerġija rinnovabbli tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-enerġija għall-bdiewa u b'hekk tippermetti aktar investimenti fl-innovazzjoni;

3.

Jenfasizza li l-agrikoltura tista' tkun parti mis-soluzzjoni billi tuża r-riżorsi naturali b'mod prudenti u tiżgura l-bijodiversità, fejn l-istimulazzjoni tal-innovazzjoni hija ċentrali għal dan il-għan; iqis li l-prattiki agrikoli huma dipendenti mir-riżorsi naturali u din l-interazzjoni għandha tiġi ottimizzata u s-sistemi ta' produzzjoni għandhom jiġu mifhuma aħjar biex jittejbu s-sistemi ta' ġestjoni; jitlob li l-produttività, il-fertilità u r-reżiljenza intrinsiċi tal-agroekosistemi tagħna fuq perjodu ta' żmien medju u twil tiġi żgurata u li jsir tnaqqis fl-emissjonijiet; jenfasizza kemm hu importanti li jittejbu s-sistemi tal-produzzjoni permezz ta' uċuħ tar-raba' u sistemi ta' newba adattati aħjar, sistemi ta' ġestjoni mtejba u jinnota l-importanza ta' ħamrija ħajja; jenfasizza l-potenzjal għall-ħolqien ta' impjiegi mhux biss fis-settur tal-produzzjoni tal-ikel iżda wkoll fis-settur tat-turiżmu, dak tal-bijoekonomija u dak tal-kimika ekoloġika;

4.

Iqis il-fatt li s-suq tal-UE għall-ikel u l-agrikoltura huwa wieħed mill-aktar swieq integrati fl-Ewropa u jħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq u timplimenta regolamenti li jiżguraw kundizzjonijiet aktar ekwi u kompetizzjoni ġusta sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku fis-settur agrikolu u tal-ikel fl-Istati Membri kollha;

5.

Jirrimarka li l-azjendi agrikoli tal-familja żgħar u ta' daqs medju jifformaw parti integrali mis-settur agrikolu Ewropew u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' żoni rurali soċjalment u ekonomikament mimlija ħajja li jikkontribwixxu għaż-żamma tal-wirt kulturali u naturali; jirrimarka, barra minn hekk, li dawn l-azjendi agrikoli kultant jesperjenzaw diffikultajiet biex jisfruttaw il-benefiċċji ta' tekniki u prattiki ta' produzzjoni avvanzati li jistgħu jiżguraw dħul ġust għall-bdiewa u jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tagħhom u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja; jenfasizza li l-innovazzjoni għandha l-potenzjal li żżid il-produttività u d-dħul tal-ħaddiema u billi tnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni u tagħmel in-negozju aktar effiċjenti; jenfasizza li s-sjieda tar-raba' u l-aċċess għaliha huma kruċjali għall-bdiewa u għall-azjendi agrikoli tal-familja; huwa favur li l-biedja ssir impjieg aktar mixtieq għall-irġiel u n-nisa żgħażagħ, inter alia, permezz tat-titjib tal-aċċess għall-finanzjament, għat-teknoloġija u għall-programmi ta' appoġġ; jitlob li jiġu żviluppati ideat ta' negozju ġodda u jistieden lill-Kummissjoni tgħarraf lill-bdiewa b'mod aktar effikaċi dwar l-opportunitajiet tagħhom f'dan ir-rigward; jirrikonoxxi r-rwol soċjali tal-agrikoltura, il-kontribut tagħha għall-koeżjoni soċjali u l-effett tagħha fuq il-ġlieda kontra d-depopolazzjoni rurali, is-servizzi innovattivi li hija ġġib lill-komunitajiet lokali u r-rwol li hija taqdi fil-preservazzjoni l-għarfien tradizzjonali; jenfasizza l-importanza tal-aċċess għal servizzi rurali tal-internet ta' broadband veloċi u affidabbli, u ta' kunċetti innovattivi mfassla apposta għar-reġjuni żvantaġġjati kollha, bħalma huma ż-żoni muntanjużi u periferiċi tal-Unjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex dan tagħmlu prijorità;

6.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq soluzzjonijiet biex tiġi stimolata l-adozzjoni ta' sistemi ta' ġestjoni bbażati fuq l-ICT, monitoraġġ tad-data f'ħin reali, teknoloġija tas-sensuri u l-użu ta' sistemi ta' identifikazzjoni għall-ottimizzazzjoni tas-sistemi ta' produzzjoni jew tal-agrikoltura ta' preċiżjoni, li inter alia jaf ifisser li jkollu jsir adattament għall-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu f'dak li jikkonċerna l-produzzjoni u s-suq li jwassal għall-użu aktar effiċjenti u ottimu tar-riżorsi naturali, il-monitoraġġ aħjar ta' għadd ta' stadji tal-produzzjoni, żieda fir-rendiment tal-uċuħ tar-raba', tnaqqis tal-impronta ambjentali, tal-konsum tal-enerġija u tal-gassijiet b'effett ta' serra, fehim aħjar dwar l-imġiba tal-annimali u titjib tas-saħħa u l-benessri tal-annimali; jenfasizza, bl-istess mod, li l-użu aktar estensiv tal-ICT huwa kruċjali biex il-biedja ssir aktar sostenibbli mil-lat ambjentali u s-settur isir aktar kompetittiv; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni ttejjeb l-allinjament tad-diversi politiki kkonċernati sabiex tippromwovi b'mod aktar effettiv is-sistemi tal-ġestjoni tal-ICT;

7.

Ifakkar li s-simplifikazzjoni tal-miżuri u aktar iggwidar dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-PAK ikunu jinkoraġġixxu lill-bdiewa jadottaw prattiki tal-biedja iktar sostenibbli;

8.

Jinsab konvint li l-informazzjoni miġbura mir-robotika, it-teknoloġija tas-sensuri, il-kontroll awtomatiku u innovazzjonijiet teknoloġiċi oħra fil-kuntest tat-teknoloġiji tal-Internet tal-Oġġetti (IoT) u l-Big Data ser tippermetti l-monitoraġġ f'ħin reali, teħid tad-deċiżjonijiet aħjar, u ġestjoni mtejba tal-operazzjonijiet tul il-katina alimentari kollha kemm hi; jilqa' l-ħolqien tal-Alleanza għall-Innovazzjoni tal-Internet tal-Oġġetti (AIOTI) (il-Grupp ta' Ħidma 06) dwar “il-biedja intelliġenti u s-sikurezza tal-ikel”, u f'dan ir-rigward jisħaq fuq l-importanza u r-rilevanza tas-Suq Uniku Diġitali Ewropew għall-agrikoltura f'dawk li huma indirizzar b'mod determinat tal-problemi tal-interoperabilità, standards għal konverġenza aħjar u kwistjonijiet ta' sjieda tad-data personali u mhux personali u l-aċċess u l-użu tagħha;

9.

Jinsab imħasseb dwar il-livell baxx ta' għarfien dwar il-potenzjal tal-Big Data u tal-Internet tal-Oġġetti u l-frammentazzjoni tas-sistemi tat-teknoloġija relatati, li jżidu l-ostakli għall-adozzjoni tagħhom u jnaqqsu r-rata tal-użu tagħhom, u jinsab diżappuntat li l-adozzjoni tat-teknoloġiji tal-GPS miexja bil-mod; jenfasizza l-importanza li dawn it-teknoloġiji jsiru sinifikanti għall-bdiewa; jinnota li fl-UE bħalissa qed jintuża biss 10 % tal-gwida assistita, inqas minn 1 % tal-moviment kinematiku f'ħin reali u inqas minn 1 % tat-tekniki ta' applikazzjoni ta' rata varjabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkwantifika l-benefiċċju ambjentali u tal-produzzjoni u tiżgura trasferimenti tas-sensibilizzazzjoni, tal-għarfien u tat-teknoloġija; jesprimi tħassib li xi Stati Membri qed jirriskjaw li proporzjon tal-ammont tal-pagament dirett fl-2018 minħabba li m'għandhomx reġistru tal-artijiet, u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tagħmel disponibbli għodod intelliġenti mfassla apposta biex iħaffu l-immappjar tal-artijiet agrikoli;

10.

Iħeġġeġ l-adozzjoni tal-agrikoltura ta' preċiżjoni li tipprovdi approċċi ġodda ta' ġestjoni tal-azjenda agrikola kollha kemm hi, bħalma hu l-makkinarju mmexxi mit-teknoloġiji tal-GPS/GNSS li, użati flimkien ma' Sistemi ta' Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod (RPAS jew drones (inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord)), jistgħu jaħdmu r-raba' li tinħarat bi preċiżjoni sal-eqreb ċentimentru; jaqbel li dawn it-tekniki jistgħu jnaqqsu b'mod sinifikanti kemm l-użu tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti kif ukoll l-użu tal-fertilizzanti u tal-ilma, u jiġġieldu lill-erożjoni tal-ħamrija; jistieden lill-Kummissjoni telimina dawk l-elementi kollha li jxekklu l-adozzjoni tal-biedja ta' preċiżjoni, b'mod partikolari dawk marbuta ma' sistemi tal-ICT kumplessi u frammentati u kwistjonijiet marbuta mal-livelli ta' investiment; jinnota li l-agrikoltura ta' preċiżjoni hija importanti wkoll fit-trobbija tal-annimali bħala mezz ta' sorveljanza tas-saħħa, tan-nutrizzjoni u tar-rendiment tal-annimali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw lil dawn il-prattiki, b'mod partikolari billi jagħmlu użu mill-opportunitajiet ipprovduti mir-regoli l-ġodda dwar l-iżvilupp rurali fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, f'reviżjonijiet futuri tal-PAK, l-użu li jsir mill-biedja ta' preċiżjoni min-naħa tal-bdiewa fil-kuntest tal-ekoloġizzazzjoni; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-azjendi agrikoli kollha, inklużi dawk f'reġjuni remoti u ultraperiferiċi u l-azjendi agrikoli ż-żgħar, u l-oħrajn kollha involuti fl-agrikoltura rurali jkollhom aċċess għal teknoloġiji bi skop multiplu, minħabba l-ħtieġa li jinżammu u jiżdiedu l-livelli tal-okkupazzjoni f'dawk iż-żoni l-iktar vulnerabbli;

11.

Jilqa' ż-żieda fl-użu tas-Sistemi ta' Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod għal skopijiet ta' biedja, peress li dan jista' jwassal għall-iffrankar fl-użu tal-materjali għall-ħarsien tal-uċuħ tar-raba' u fl-użu tal-ilma; jinnota li proposta għal leġiżlazzjoni dalwaqt titressaq fir-reviżjoni tar-regolament bażiku tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), b'tali mod li l-inġenji tal-ajru kollha mingħajr bdot abbord ikunu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li fl-UE kollha jkun hemm standards u regoli ċari u mhux ambigwi għall-użu ċivili tas-Sistemi ta' Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod u li l-leġiżlazzjoni li se titressaq dalwaqt tqis il-kundizzjonijiet speċifiċi li taħthom joperaw l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord fl-agrikoltura;

12.

Jenfasizza l-importanza ta' soluzzjonijiet innovattivi u affordabbli ġodda għas-settur agrikolu bil-għan li jiżdied l-użu ta' metodi, oġġetti u riżorsi aktar ekoloġiċi, li jistgħu jinkludu mhux biss metodi ġodda ta' tkabbir u ġestjoni tar-raba' iżda wkoll modi kif jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli u modi kif tiġi eliminata gradwalment il-ħtieġa ta' fjuwils ibbażati fuq il-fossili;

13.

Jinkoraġġixxi li fit-trobbija tal-annimali jintużaw soluzzjonijiet innovattivi li jikkontribwixxu għal livell ogħla ta' saħħa u benesseri tal-annimali, li jnaqqsu l-ħtieġa ta' prodotti mediċinali veterinarji, fosthom l-antimikrobiċi; jenfasizza l-possibilitajiet għall-ottimizzazzjoni tal-użu tal-ħmieġ tal-annimali fil-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli u fertilizzanti mtejba; jirrikonoxxi li fil-limiti ta' proċessi naturali, jistgħu jinstabu soluzzjonijiet innovattivi għall-qbid tal-emissjonijiet, id-diffużjoni tat-tniġġis u ż-żieda tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tas-sistemi ta' akkomodazzjoni tal-annimali filwaqt li jiġi indirizzat l-impatt fuq il-prezz tal-kost; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-metan jista' jinqabad għall-produzzjoni tal-enerġija, ħaġa li tista' tgħin biex jiġi mitigat it-tibdil fil-klima; itenni li l-antimikrobiċi għandhom jiġu applikati b'mod prudenti u responsabbli u li l-katina tal-produzzjoni tista' tittejjeb kollha kemm hi b'għodda dijanjostika iktar effiċjenti u iktar rapida, monitoraġġ f'ħin reali aħjar, miżuri ta' prekawzjoni immirati u modi ġodda ta' ddispensar biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi, filwaqt li jitħalla spazju biżżejjed għal dawk l-Istati Membri li diġà jagħmlu biċċa xogħol aħjar f'dan ir-rigward u jindika l-ħtieġa ta' riċerka dwar mediċini biex dak li jkun ilaħħaq mal-mard li jitfaċċa;

14.

Jappoġġja l-metodi estensivi tat-trobbija tal-annimali u jitlob li jiġu żviluppati teknoloġiji innovattivi għall-valutazzjoni preċiża tal-benefiċċji ambjentali tal-bwar u l-mergħat miżmuma minn dan it-tip ta' biedja u jirrikonoxxi l-benefiċċji tiegħu bħala komplement għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba';

15.

Jiġbed l-attenzjoni lejn kemm hu importanti li jiġu rkuprati l-proteini tal-annimali fi ħdan iċ-ċiklu tal-produzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tfassal miżuri biex jippromwovu r-riċiklaġġ tal-iskart agrikolu billi jiġi inkoraġġit l-irkupru tal-proteini għall-għalf;

16.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi politiki ta' aċċess għall-art għall-azjendi tal-biedja żgħar u medji u tinkoraġġixxi l-produzzjoni tal-annimali bbażata fil-bwar, l-għalf u l-produzzjoni ta' proteini tal-pjanti, u tippromwovi r-riċerka u l-innovazzjoni fir-rigward tal-produzzjoni sostenibbli tal-proteini tal-pjanti;

17.

Jenfasizza l-potenzjal mhux sfruttat tat-teknoloġija u l-innovazzjoni għall-iżvilupp ta' oġġetti u prodotti ġodda (relatati mal-ikel u l-għalf, il-makkinarju, il-bijokimika, il-bijokontroll, eċċ.) li jista' jkollhom il-potenzjal li joħolqu impjiegi tul il-katina tal-valur agroalimentari kollha kemm hi; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-fatt li l-innovazzjoni u t-teknoloġizzazzjoni jwasslu għat-telf tal-impjiegi fl-okkupazzjonijiet agrikoli tradizzjonali u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu korsijiet ta' taħriġ u ta' taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema fis-setturi agrikoli affettwati; jenfasizza l-ħolqien ta' impjiegi ġodda fis-settur agrikolu, li huwa ta' importanza kruċjali għall-iżvilupp rurali, għar-ripopolament rurali u t-tkabbir ekonomiku rurali, u jqis li bis-saħħa tal-iżvilupp ta' prattiki agrikoli moderni l-agrikoltura ssir aktar attraenti kemm għall-bdiewa żgħażagħ kif ukoll għall-imprendituri żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibilitajiet li tinċentiva lill-bdiewa biex jissensibilizzaw lill-pubbliku dwar kif taħdem il-katina agroalimentari u l-metodi ġodda ta' produzzjoni;

18.

Huwa tal-fehma li t-teknoloġiji tal-informatika l-ġodda jipprovdu ħafna opportunitajiet biex jiġu stabbiliti ktajjen ta' valur ġodda, li jistgħu jinkludu kuntatt aktar dirett bejn il-produtturi u l-konsumaturi, b'attenzjoni akbar fuq prodotti innovattivi, servizzi ġodda u aktar divrenzjar tal-produzzjoni, bil-potenzjal li jipprovdu flussi ta' dħul ġodda għall-bdiewa kif ukoll jistabbilixxu suq aktar trasparenti li jkun ta' benefiċċju għall-bdiewa u jwessa' l-potenzjal tagħhom; jirrimarka li l-innovazzjonijiet fil-katina tal-provvista alimentari tista' tgħin sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni tar-riskji aktar bilanċjata;

19.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata b'mod determinat il-ħela tal-ikel, b'mod partikolari l-ħela tal-ikel sistemika, peress li kull sena 100 miljun tunnellata ta' ikel fl-Ewropa qed tiġi moħlija jew mormija, li tammonta għal madwar 30 % sa 50 % tal-ikel prodott fl-UE; iqis li tinħtieġ ukoll kooperazzjoni akbar fil-katina tal-ikel biex jitnaqqsu l-livelli attwali tal-iskart; jinnota li l-oqfsa regolatorji li żmienhom għadda m'għandhomx jiffurmaw ostakli għall-modi innovattivi tal-ipproċessar tal-iskart tal-ikel u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-prijoritizzazzjoni ta' proġetti innovattivi għandhom jiġu mħeġġa biex jiġu miġġielda l-ħela u t-telfiet tal-ikel inklużi taħt Orizzont 2020;

20.

Jenfasizza li għal kull tunnellata ta' skart tal-ikel li tiġi ffrankata, jistgħu jiġu ffrankati madwar 4,2 tunnellati ta' CO2, u dan ikun iħalli impatt sinfikanti fuq l-ambjent; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta' qafas ġuridiku konsistenti mal-prinċipju ta' ekonomija ċirkolari, fejn jiġu stabbiliti regoli ċari dwar il-prodotti sekondarji, l-użu tal-materja prima jiġi ottimizzat, u l-iskart residwu jitnaqqas kemm jista' jkun;

21.

Jenfasizza li proporzjon konsiderevoli ta' flussi ta' skart bijotiku diġà jintużaw, pereżempju, bħala għalf għall-annimali jew materjal ta' bażi għall-bijokarburanti; iqis, madankollu, li dawn il-materjali għandhom jiġġeneraw rendimenti jerġa' ogħla billi dak li jkun jimmira għall-aktar valur miżjud u permezz tal-użu ta' teknoloġiji ġodda bħalma huma l-bijoraffinar, it-trobbija tal-insetti, l-użu mill-ġdid tal-lipidi, l-enżimi u l-proteini tal-annimali mir-residwi fl-industrija tal-ikel, il-fermentazzjoni fl-istat solidu, l-estrazzjoni tal-bijogass u l-estrazzjoni tal-minerali mid-demel, u l-użu tad-demel żejjed bħala għajn ta' enerġija rinnovabbli; jinnota n-nuqqas ta' regoli ċari u s-sottoutilizzazzjoni ta' riżorsi oħra derivati mill-bijomassa bħalma huma l-prodotti sekondarji agrikoli u l-flussi tal-iskart agrikolu, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja l-użu mill-ġdid tagħhom fis-settur tal-enerġija u f'postijiet oħra billi jiġu ffaċilitati sistemi ta' rikonoxximent fl-UE kollha u miżuri speċjali taħt il-programm għall-iżvilupp rurali li jistgħu jinvolvu lill-bdiewa u lil partijiet ikkonċernati oħra bħalma huma l-awtoritajiet lokali fi proġetti fuq skala żgħira; jinnota li dawn is-sistemi ta' rikonoxximent u programmi speċjali ta' żvilupp rurali jistgħu wkoll jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni transfruntiera u jtejbu s-sinerġija u l-koerenza ma' politiki oħra tal-UE;

22.

Iqis li l-kwalità mnaqqsa tal-ħamrija qed tikkomprometti l-produzzjoni futura, sitwazzjoni li toħloq il-ħtieġa ta' bidla fil-metodi u s-sistemi tal-biedja, peress li t-tneħħija gradwali tat-trobbija tal-annimali kkontribwixxiet għal tnaqqis fil-fertilità tal-ħamrija f'ħafna azjendi tal-biedja minħabba kontenut organiku inadegwat u użu insuffiċjenti ta' fertilizzanti organiċi; jinsab imħasseb li l-UE tiddipendi ħafna mill-importazzjoni tal-minerali għall-produzzjoni tal-fertilizzanti minerali bħalma hu l-fosfat u li l-produzzjoni tal-fertilizzanti minerali għandha impronta tal-karbonju u ekoloġika għolja; jenfasizza l-possibilità li d-demel tal-annimali jiġi pproċessat f'konċentrat ta' minerali li jkun jista' jintuża għall-manifattura ta' “fertilizzanti ekoloġiċi” li jistgħu jnaqqsu u eventwalment jissostitwixxu l-ħtieġa ta' fertilizzanti minerali, peress li l-livell ta' effiċjenza tiegħu huwa komparabbli mal-livell ta' effiċjenza ta' dawn tal-aħħar; jilqa' l-fatt li l-produzzjoni u l-użu ta' konċentrati tal-minerali jagħtu kontribut sinifikanti għall-ekonomija ċirkolari billi jagħlqu ċ-ċirkwit minerali u ser inaqqsu b'mod konsiderevoli l-ispejjeż tal-fertilizzanti tal-azjendi tal-biedja; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi r-regolament tal-UE dwar il-fertilizzanti u tneħħi l-ostakli leġiżlattivi fid-direttiva dwar in-nitrati sabiex tippermetti u tistimola l-iżvilupp tal-konċentrat tal-minerali mid-demel tal-annimali;

23.

Jinsab imħasseb ukoll dwar id-dipendenza kontinwata tal-UE mill-għalf tal-proteini importat bħalma hu s-soja u jappella għal politika ambizzjuża tal-iżvilupp ta' uċuħ tar-raba' tal-proteini fl-UE;

24.

Jirrakkomanda l-użu ta' sistemi ta' ġestjoni, li jkunu speċifiċi għall-azjendi agrikoli individwali, li jkejlu u jivvalutaw il-bilanċ tan-nutrijenti fil-livell tal-azjendi agrikoli marbuta mal-ktajjen differenti fiċ-ċiklu tal-produzzjoni sabiex ikun jista' jitkejjel l-impatt ambjentali tal-azjendi agrikoli individwali u jiġu kkalkolati l-bilanċi nutrittivi speċifiċi għall-azjendi agrikoli; jinnota li l-użu effiċjenti tal-minerali jwassal għal rendimenti ogħla tal-uċuħ tar-raba' u anqas ħtieġa ta' fertilizzanti, u jikkontribwixxi għal prattiki effiċjenti ta' tmigħ, filwaqt li jippermetti lill-bdiewa jtejbu l-operazzjonijiet tagħhom filwaqt li jnaqqsu l-ispejjeż u jitbiegħdu mill-miżuri ġeneriċi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja, permezz ta' kofinanzjament minn diversi fondi Ewropej, inkluż Orizzont 2020 u l-FEIS, il-proġetti pilota f'dan il-qasam li huma diġà ppjanati, u tippreżenta studju dwar din il-materja;

25.

Jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' tekniki b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' preċiżjoni għolja għall-ħżin, it-trasport u t-tifrix fir-raba' tad-demel li se twassal għal titjib sinifikanti fl-assorbiment mill-pjanti tan-nutrijenti mid-demel, u b'hekk titnaqqas il-ħtieġa tal-fertilizzanti minerali u jitnaqqas ir-riskju ta' kontaminazzjoni tal-ilma;

26.

Jirrimarka li t-tekniki ta' applikazzjoni aħjar fuq l-art huma wieħed mill-fatturi ewlenin biex titnaqqas l-emissjoni totali tal-ammonijaka u, konsegwentement, kull pajjiż għandu jiżgura li jintużaw tekniki b'emissjonijiet baxxi għall-applikazzjoni tad-demel likwidu b'tixrid f'meded (bl-użu ta' sistema ta' għodda li tinġibed għat-tifrix tad-demel li tmiss biss kemm kemm l-uċuħ tar-raba' jew sistema ta' manka li tinġibed għat-tifrix tad-demel), b'injezzjoni jew b'aċidifikazzjoni;

27.

Jinnota li l-prattiki tal-biedja li huma intelliġenti fil-livell klimatiku jista' jkollhom effett ta' suċċess triplu billi jżidu l-produzzjoni sostenibbli, filwaqt li jiżguraw biedja reżiljenti għat-tibdil fil-klima li tlaħħaq aħjar ma' xejriet tat-temp dejjem jinbidlu u avversi, u jnaqqsu l-emissjonijiet mis-settur agrikolu billi jħeġġu sistemi produttivi, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ċirkolari; jenfasizza li s-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija huma uniċi f'li attivament jaqbdu s-CO2 permezz tal-pjanti u tal-forestazzjoni, l-użu tal-kopertura u tal-uċuħ tar-raba' leguminużi, li jillimitaw il-ħdim tal-art u l-kopertura permanenti tal-ħamrija, meded ta' lqugħ ta' kenn tal-foresti li huma ta' benefiċċju wkoll għall-protezzjoni tal-uċuħ tar-raba' u għall-kapaċità taż-żamma tal-ilma, u f'li jassorbu l-gassijiet b'effett ta' serra fil-ħamrija (l-assorbiment tal-karbonju f'“bir”); jinnota f'dan ir-rigward il-programm 4/1000 ippreżentat matul il-COP21 u l-possibilità ta' inċentivi finanzjarji; jinkoraġġixxi lill-bdiewa jkomplu u biex jadottaw iżjed minn dawn il-prattiki ġodda u innovattivi;

28.

Jenfasizza r-rwol importanti tal-agroforestrija fis-sistemi agrikoli, speċjalment fit-tnaqqis tal-għargħar u tal-erożjoni tal-ħamrija u fit-titjib tas-saħħa tal-ħamrija; jitlob li ssir aktar integrazzjoni tal-approċċi innovattivi ibbażati fuq is-siġar fl-attivitajiet agrikoli u li jitneħħew il-piżijiet amministrattivi ħalli jiġu ottimizzati l-ippjanar fil-livell tal-baċiri tal-iskular, il-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar u l-ġestjoni tal-ilma; jenfasizza l-benefiċċji assoċjati mas-siġar għal sostenibilità akbar u għal produttività akbar tal-biedja, għall-preservazzjoni tal-bijodiversità u għall-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjunali; jirrikonoxxi li s-sistemi silvopastorali tradizzjonali huma multifunzjonali u l-użu sostenibbli tal-art għandu jkun protett u kkumpensat, filwaqt li l-metodi aktar ġodda tal-inkorporazzjoni tas-siġar fis-sistemi tal-biedja tal-artijiet b'altitudni baxxa bħalma huma t-tkabbir tal-uċuħ bejn ringieli ta' siġar għandhom jiġu kkunsidrati;

29.

Iqis li l-kwalità tal-ħamrija hija ta' importanza ekonomika u ekoloġika peress li t-tnaqqis tal-istat ekoloġiku jkun jirriżulta f'ħamrija anqas produttiva, b'disponibilità ta' nutrijenti aktar baxxa, żidiet fis-suxxettibilità tal-pjanti għall-organiżmi ta' ħsara u għall-mard, tnaqqis fil-kapaċità taż-żamma tal-ilma, u tnaqqis fil-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-prattiki innovattivi u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bħalma huma s-sistemi tan-newba tal-uċuħ tar-raba', il-kopertura permanenti tal-ħamrija, il-ħdim limitat tal-art u l-iffertilizzar bil-legumi ħodor u l-batterji li jżommu n-nitroġenu sabiex tiġi evitata aktar degradazzjoni tal-ħamrija; jirrimarka li, bil-għan li jiġu miġġielda d-deżertifikazzjoni u l-ewtrofikazzjoni, il-bdiewa jiġu mħeġġa jiżviluppaw sistemi ta' irrigazzjoni, inkluż it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-ilma u l-applikazzjoni ta' tekniki ta' irrigazzjoni ekonomika; jemmen li l-interazzjoni ta' bejn il-mobilizzazzjoni tal-materja organika u l-ħtiġijiet tal-produzzjoni għandha tkun mifhuma aħjar; jilqa' r-riċerka dwar prattiki innovattivi bħalma hu l-użu ta' interventi mikrobiċi (fertillizzanti batteriċi) u l-istudji tal-interazzjonijiet bejn il-pjanti u l-ħamrija bil-mycorrhiza, bil-batterji tal-PGPR u bil-batterji tal-PGR li jistgħu jnaqqsu l-impatt ambjentali u jnaqqsu l-użu tal-fertilizzanti kimiċi u l-pestiċidi li huma ta' ħsara għas-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali u għall-ambjent; jirrikonoxxi l-importanza ta' użu sostenibbli tal-ħamrija li jqis il-bżonnijiet speċifiċi għas-sit;

30.

Jirrikonoxxi li s-sistemi tal-biedja ma jkunux produttivi jekk ikunu mgħargħra bl-ilma jew milquta min-nixfa għall-biċċa l-kbira tas-sena; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-innovazzjoni fil-ġestjoni u l-konservazzjoni tal-ilma, integrata ma' servizzi ta' konsulenza għall-azjendi tal-biedja u servizzi ta' estensjoni, permezz ta' tekniki u teknoloġija innovattivi biex jitnaqqsu l-prattiki ta' irrigazzjoni ħalja u biex jittaffa l-għargħar; jitlob li ssir l-applikazzjoni ta' dawn it-tekniki ġodda mal-karatteristiċi eżistenti u ġodda tal-pajsaġġi bħalma huma l-għadajjar, u ma' skemi mmirati biex tiżdied iż-żamma tal-ilma fil-ħamrija u fil-ħabitats assoċjati mal-agrikoltura bħalma huma l-mergħat imxarrba, jiġu protetti ż-żoni tal-infiltrazzjoni mill-ilma ta' taħt l-art, jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-infiltrazzjoni tal-ilma għal ġol-ħamrija u ż-żamma tal-ilma; jilqa' s-sinerġiji fil-livell tal-pajsaġġ mal-ippjanar tal-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar; jitlob li jkun hemm adozzjoni inkoraġġanti tat-tekniki tal-“agrikoltura ta' riġenerazzjoni” biex jiżdied il-fond tas-saff tal-ħamrija tal-wiċċ, jiġi inkoraġġit il-ħolqien tal-ħumus, il-ħamriji li jkunu qed imutu jew li ma jkunux b'saħħithom jiġu mlaqqma bil-kompost bil-għan li jinġiebu lura għall-aħjar funzjonalità, eċċ.;

31.

Jitlob li jsiru aktar sforzi biex jiġu żviluppati u implimentati bis-sħiħ sistemi ta' ġestjoni integrata tal-protezzjoni tal-pjanti permezz tal-appoġġ għar-riċerka xjentifika dwar alternattivi mhux kimiċi u miżuri ta' riskju baxx, kif iddefinit fil-leġiżlazzjoni rilevanti, u pestiċidi li huma aktar ekoloġiċi; iwissi kontra l-użu profilattiku ta' materjal għall-protezzjoni tal-pjanti u jenfasizza f'dan ir-rigward li l-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara għandha tagħmel użu iktar intelliġenti tal-interazzjoni ta' bejn miżuri bijoloġiċi u miżuri kimiċi; jenfasizza li l-innovazzjonijiet fis-sustanzi ta' riskju baxx alternattivi, kif iddefinit fil-leġiżlazzjoni rilevanti, u l-interventi fiżiċi jistgħu jkomplu jiġu inkoraġġuti aktar flimkien mal-bijostimulazzjoni u l-bijokontroll fil-livell Ewropew; jinsab imħasseb li l-approċċ attwali għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti mhuwiex tajjeb kemm għandu jkun u li l-leġiżlazzjoni biex jiġi inċentivat l-iżvilupp tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara għadha lura; jistieden lill-Kummissjoni tressaq pjan direzzjonali immirat lejn sistema aktar sostenibbli ta' ġestjoni tal-organiżmi ta' ħsara li tinkludi servizzi ta' konsulenza; jinnota li l-mekkaniżmi ta' kontroll bijoloġiċi relatati mal-organiżmi ta' ħsara u l-mard jistgħu jnaqqsu l-użu tal-pestiċidi u jistgħu jikkontribwixxu għar-reżiljenza mtejba tal-pjanti;

32.

Jitlob għall-iżvilupp kontinwu ta' tekniki innovattivi tat-tnissil, filwaqt li xorta waħda madankollu jibqgħu jinżammu l-banek taż-żrieragħ, li hija ħaġa vitali għall-varjetajiet ġodda u diversi li għandhom rendimenti ogħla, valur nutrittiv akbar, reżistenza aħjar għall-mard mill-organiżmi ta' ħsara u għall-kundizzjonijiet tat-temp avversi, u biex tiġi ffaċilitata bijodiversità akbar; jirrimarka li t-tekniki tat-tnissil jistgħu jipprovdu opportunitajiet biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-agrikoltura konvenzjonali; iwissi kontra kull dipendenza minn kimika intrappolata (lock-in) fuq il-varjetajiet aktar ġodda; ma japprovax mill-piżijiet amministrattivi u regolatorji attwali għan-negozji u jħeġġeġ il-programmi tat-tnissil tal-biedja bbażata fil-komunità; jenfasizza li hija meħtieġa l-attenzjoni dovuta fl-approvazzjoni ta' varjetajiet ġodda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' tekniki ġodda li jkunu għaddew minn valutazzjoni tar-riskju xierqa fejn tkun meħtieġa u li jkunu konformi bis-sħiħ mal-prinċipju ta' prekawzjoni, u tiżgura l-aċċess għal materjali bijoloġiċi għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fis-settur tat-tnissil, u jistennieha tappoġġja bil-qawwa l-innovazzjoni f'dan ir-rigward; ma japprovax id-deċiżjoni attwali tal-Bord Estiż tal-Appell tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) tal-25 ta' Marzu 2015 fil-Kawżi G2/12 u G2/13;

33.

Jenfasizza, b'rabta mal-metodi ta' tnissil innovattivi għall-varjetajiet tal-pjanti u tal-annimali, l-arranġamenti għall-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoloġiċi (4), taħt liema arranġamenti l-varjetajiet ġenerali tal-pjanti u tal-annimali u l-proċessi bijoloġiċi essenzjali għall-produzzjoni tal-pjanti u tal-annimali ma jistgħux jingħataw privattiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivverifika l-interpretazzjoni u l-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-deroga, peress li fl-interessi tas-sigurtà tal-ikel, l-aċċess liberu għall-materjal tat-tnissil u l-użu tiegħu għandhom ikomplu jiġu ggarantiti;

34.

Jenfasizza l-possibilità li jintużaw strumenti finanzjarji biex ikun jista' jittejjeb id-dħul tal-biedja fl-Ewropa; jinnota li ħames Stati Membri biss sfruttaw il-possibilitajiet addizzjonali taħt il-Programm għall-Iżvilupp Rurali l-ġdid biex jagħmlu użu mill-istrumenti finanzjarji kompatibbli mas-suq bil-għan li jindirizzaw il-lakuni fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għall-kreditu, peress li n-nuqqas ta' tali aċċess spiss jikkostitwixxi ostaklu għall-innovazzjoni;

35.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-memorandum ta' qbil bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u r-rieda tiegħu li jappoġġja l-proġetti agrikoli u l-bdiewa żgħażagħ billi jipprovdi opportunitajiet ġodda ta' finanzjament għall-Istati Membri li jistabbilixxu forom ta' appoġġ finanzjarju bħalma huma l-fondi ta' garanzija, fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw jew investiment kapitali biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kreditu għall-bdiewa u għar-raggruppamenti ta' bdiewa bħalma huma l-kooperattivi, l-organizzazzjonijiet u l-gruppi tal-produtturi u s-sħab tagħhom, bil-ħsieb li tingħata għajnuna lill-investiment fil-modernizzazzjoni fl-azjendi tal-biedja filwaqt li jiġu offruti wkoll opportunitajiet ta' finanzjament biex jingħelbu l-ostakli għall-kreditu, li jaffettwaw lin-nisa b'mod sproporzjonat, u opportunitajiet ta' finanzjament għall-bdiewa żgħażagħ biex jespandu n-negozju tagħhom, kif ukoll biex jiġi żgurat l-investiment fir-riċerka tas-settur pubbliku ikkombinat ma' sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat sabiex jiġu ttestjati u varati prodotti innovattivi; itenni li l-Parlament jixtieq jara dan l-appoġġ finanzjarju għaddej u li jitneħħa kull ostaklu fl-aċċess għal dan il-finanzjament;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta fid-dettall liema ħiliet ġodda se jkunu meħtieġa fil-ġestjoni futura tal-azjendi agrikoli Ewropej, u tippromwovi t-tixrid tagħhom b'kull mezz disponibbli;

37.

Jagħraf li jeżisti potenzjal kbir għal ġestjoni aħjar tar-riskji u jidhirlu li l-għodod attwali għall-ġestjoni tar-riskji u għall-ġestjoni tas-suq huma sottożviluppati, sitwazzjoni li taf tirriżulta fit-telf tal-produttività fil-futur qrib u fit-telf tal-innovazzjoni fil-futur imbiegħed; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga u tirrapporta dwar il-possibilità li tistimola skemi ta' assigurazzjoni privati li jkopru ġrajjiet klimatiċi avversi, mard tal-annimali jew tal-pjanti, infestazzjonijiet minn organiżmi ta' ħsara jew inċidenti ambjentali, kif imsemmi fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

38.

Jilqa' l-opportunitajiet tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni AGRI (EIP-AGRI) għar-riċerka applikata fi ħdan is-settur agrikolu u għall-innovazzjoni parteċipattiva li tinvolvi l-komunitajiet tal-prattikanti rurali; jinsab imħasseb dwar il-mod frammentat li bih qed tiġi implimentata l-EIP-AGRI f'livell nazzjonali u, f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-proċeduri l-aktar sempliċi possibbli għall-parteċipazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-mekkaniżmi tal-kofinanzjament tal-EIP-AGRI u politiki pubbliċi Ewropej oħra biex tinċentiva aktar riċerka effettiva li tħares aktar lejn il-ħtiġijiet tas-suq u l-ħtieġa li jiġu żviluppati prattiki agronomiċi agroekoloġiċi sostenibbli u li tkun iggwidata mill-ħtiġijiet intraprenditorjali u soċjoekonomiċi, li toħloq gruppi ta' fokus tar-riċerka transfruntiera u possibilitajiet għal parteċipazzjoni akbar tan-negozji; jistieden lill-Kummissjoni tkun involuta b'mod iktar attiv mil-lat li tipprovdi aġenda espliċita tal-innovazzjoni u r-riċerka marbuta mal-programmi ta' Orizzont 2020;

39.

Jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi jiġu sensibilizzati u informati; jenfasizza li trasparenza ikbar fil-ktajjen tal-provvista u fil-produzzjoni tista' tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati aktar dwar il-prodotti li qed jixtru; iqis li dan, imbagħad, jista' jgħin lill-bdiewa jaqilgħu introjti ogħla mill-produzzjoni tagħhom;

40.

Iqis li l-iżvilupp ekonomiku u s-sostenibilità ekoloġika jikkomplementaw lil xulxin, dment li jkun għad fadal biżżejjed lok għall-innovazzjoni u l-intraprenditorija u dment li tittieħed azzjoni biex jiġi pprevenut li jitfaċċaw xi differenzi mhux ġustifikati fl-implimentazzjoni nazzjonali u biex b'mod retrospettiv tali differenzi jitneħħew, bil-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ġenwini fl-Unjoni, inter alia, billi jiġu esplorati tekniki ġodda u rilevanti bħalma hu l-ksib ta' immaġnijiet bis-satellita; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ġenwinament ekwi għas-settur agrikolu filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li l-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti, bħal ma huma d-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitats, tiġi rispettata bis-sħiħ fid-diversi Stati Membri u l-implimentazzjoni b'disparità, kontradittorja u subottimali tagħha titwaqqaf milli tkompli;

41.

Jinsab imħasseb li, skont ir-rieżami ta' nofs it-term tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020, ma sar l-ebda progress ġenerali sinifikanti fil-kontribuzzjoni tal-agrikoltura għaż-żamma u t-titjib tal-bijodiversità;

42.

Jisħaq li l-PAK għandha tkun iffokata aktar fuq il-ħtiġijiet tal-bdiewa u l-kundizzjonijiet lokali filwaqt li ma tikkompromettix l-għanijiet tal-politiki; jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas leġiżlattiv aktar sempliċi u aktar flessibbli li jkun aktar orjentat lejn il-kundizzjonijiet nazzjonali u lokali u adattat aħjar biex iwettaq sinerġiji ma' setturi oħra billi jtejjeb u jippromwovi l-konverġenza tal-għarfien, l-integrazzjoni tal-użu tar-riżorsi u li jkun allinjat aħjar mal-ekonomija ċirkolari bil-għan li tittejjeb il-viżibilità tas-sistemi eżistenti għal tikkettar promozzjonali speċifiku u jiġu mħeġġa innovazzjonijiet ġodda fil-promozzjoni tad-diversità tal-prodotti agrikoli Ewropej; jenfasizza, barra minn hekk, li PAK kompetittiva u sostenibbli tiżgura li tiżdied l-adozzjoni ta' prattiki innovattivi u tiżgura wkoll il-vijabilità fit-tul tas-settur agrikolu Ewropew permezz tas-simplifikar tal-intervent tal-gvern u l-istimular tal-innovazzjonijiet tas-settur pubbliku u dak privat li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku tal-Ewropa, b'mod partikolari fiż-żoni rurali;

43.

Jistieden lill-Kummissjoni biex kull sentejn tirrapporta dwar l-impatt tal-finanzjament tal-Unjoni u miżuri oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-innovazzjoni agrikola fuq l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-ispejjeż u l-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti agrikoli u dwar il-prospettivi finanzjarji u ekonomiċi assoċjati tal-azjendi agrikoli tal-familja fl-Unjoni;

44.

Iqis li l-innovazzjoni hija għodda essenzjali u prijorità politika orizzontali ewlenija għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni u l-ilħuq tal-objettivi tar-riforma tal-PAK 2014-2020; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tipprovdi strateġija globali aktar ambizzjuża b'riżultati li jistgħu jitkejlu sabiex ir-riċerka u l-innovazzjoni jiġu allinjati u ċċentrati skont il-prijoritajiet politiċi; jisħaq li l-PAK għandha tipprovdi aktar flessibilità għall-użu ta' tekniki u prattiki li għadhom kemm ġew żviluppati mingħajr ma sseħħ żieda fil-piż amministrattiv; jemmen li prijorità orizzontali għall-qafas leġiżlattiv Ewropew għandha tkun li tiġi żgurata biżżejjed libertà għall-programmi pilota u għall-ittestjar għat-tekniki innovattivi, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta' prekawzjoni;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura wkoll li f'oqsma oħra ta' regolament immirati lejn il-ħolqien ta' suq intern integrat u li jiffunzjona aħjar, ir-regolamenti u l-politiki jirsistu biex itejbu l-kompetizzjoni ġusta;

46.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 58.

(2)  ĠU C 193, 30.6.2012, p. 1.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2015)0473.

(4)  Id-Direttiva 98/44/KE dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi.


L-Erbgħa 8 ta’ Ġunju 2016

6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/72


P8_TA(2016)0263

Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Filippini (riżoluzzjoni)

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (05431/2015 – C8-0061/2015 – 2013/0441(NLE) – 2015/2234(INI))

(2018/C 086/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05431/2015),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (15616/2010),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207 u 209 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu (C8-0061/2015),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz tad-deċiżjoni (1)

wara li kkunsidra r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Filippini u l-UE (dak iż-żmien il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE)), stabbiliti fit-12 ta' Mejju 1964 mal-ħatra tal-Ambaxxatur tal-Filippini għall-KEE,

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas bejn il-KE u l-Filippini għall-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 1985,

wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Pluriennali tal-Unjoni Ewropea għall-Filippini 2014-2020,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1440/80 tat-30 ta' Mejju 1980 li għandu x'jaqsam mal-konklużjoni tal-Ftehim tal-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Indoneżja, il-Malasja, il-Filippini, Singapor u t-Tajlandja – pajjiżi membri fl-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (2),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Mejju 2015 lill-Parlament u lill-Kunsill bit-titolu “L-UE u l-ASEAN: sħubija b'għan strateġiku”,

wara li kkunsidra l-10 Summit tal-ASEM li sar f'Milan bejn is-16 u s-17 ta' Ottubru 2014,

wara li kkunsidra l-Laqgħa Interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Filippini ta' Frar 2013,

wara li kkunsidra t-23 laqgħa tal-Kumitat Konġunt ta' Kooperazzjoni (KKK) ASEAN-UE li saret f'Jakarta fl-4 ta' Frar 2016,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar il-Filippini, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar każijiet ta' impunità fil-Filippini (3), tal-21 ta' Jannar 2010 dwar il-Filippini (wara l-massakru ta' Maguindanao tat-23 ta' Novembru 2009) (4), u tat-12 ta' Marzu 2009 dwar il-Filippini (dwar l-ostilitajiet bejn il-forzi tal-gvern u l-Front għal-Liberazzjoni Nazzjonali Moro (MNLF)) (5),

wara li kkunsidra l-istatus tal-Filippini bħala membru fundatur tal-ASEAN wara l-iffirmar tad-Dikjarazzjoni ta' Bangkok fit-8 ta' Awwissu 1967,

wara li kkunsidra s-27 Summit tal-ASEAN li sar f'Kuala Lumpur (il-Malasja) u mit-18 sat-22 ta' Novembru 2015,

wara li kkunsidra l-14-il Summit dwar is-Sigurtà tal-Asja (IISS id-Djalogu ta' Shangri-La) li sar f'Singapore bejn id-29 u l-31 ta' Mejju 2015,

wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel, Hilal Elver (id-29 ta' Diċembru 2015 – A/HRC/31/51/Add.1), tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-traffikar tal-bnedmin, Joy Ngosi Ezeilo (id-19 ta' April 2013 – A/HRC/23/48/Add.3), u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, Philip Alston (id-29 ta' April 2009 – A/HRC/11/2/Add.8),

wara li kkunsidra t-tieni Eżami Perjodiku Universali mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ta' Mejju 2012, li mit-88 rakkomandazzjoni tiegħu ġew aċċettati 66 mill-Filippini,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Filippini dwar in-Nutrizzjoni għall-2011-2016, il-Programm għall-Aċċelerazzjoni tat-Tnaqqis tal-Ġuħ, il-Pjan ta' Riforma Komprensiva Agrarja tal-1988 u l-Kodiċi tas-Sajd tal-1998,

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0143/2016),

A.

billi f'termini ta' leġiżlazzjoni internazzjonali u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-Filippini huwa ta' eżempju għal pajjiżi oħra fir-reġjun, billi rratifika tmienja mid-disa' konvenzjonijiet ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem, bl-eċċezzjoni tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat (CPPED), kif ukoll irratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-2011;

B.

billi f'Marzu 2014 il-Gvern tal-Filippini qabel dwar ftehim ta' paċi għall-gżira ta' Mindanao mal-Front Iżlamiku ta' Liberazzjoni Moro (MILF), li jinvolvi l-ħolqien ta' reġjun awtonomu (Bangsamoro) fin-nofsinhar Musulman tal-gżira, iżda ma jinkludix il-parteċipazzjoni ta' gruppi oħrajn tal-milizzji li jopponu l-proċess ta' paċi; billi, madankollu, il-Kungress tal-Filippini ma rnexxilux jadotta l-Liġi Bażika Bangsamoro (BBL) fi Frar 2016, u b'hekk ma temmx in-negozjati ta' paċi b'suċċess;

C.

billi l-Filippini rċieva taħriġ kontra l-irvellijiet, kontra t-terroriżmu u taħriġ tal-intelligence mill-armata tal-Istati Uniti fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-grupp ta' milizzji li għandhom rabtiet potenzjali mal-gruppi terroristiċi reġjonali (tax-Xlokk tal-Asja) u internazzjonali bħal al-Qaeda u l-ISIS;

D.

billi f'April 2015 il-Filippini u l-Istati Uniti ffirmaw Ftehim ta' Kooperazzjoni Msaħħa fil-qasam tad-Difiża (EDCA);

E.

billi l-Ġappun u l-Filippini ffirmaw Memorandum dwar il-Kooperazzjoni u l-Iskambji fil-Qasam tad-Difiża f'Jannar 2015;

F.

billi r-relazzjonijiet Sino-Filippini esperjenzaw deterjorament gradwali mindu kien hemm allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fl-2008 fir-rigward ta' assistenza Ċiniża, u prinċipalment b'segwitu għall-assertività dejjem tikber taċ-Ċina rigward il-pretensjonijiet territorjali tagħha fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar;

G.

billi l-Filippini beda proċediment ta' arbitraġġ quddiem it-Tribunal Internazzjonali tal-Arbitraġġ tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) f'Jannar 2013, li fih qiegħed jitlob kjarifika dwar id-drittijiet marittimi tiegħu skont l-UNCLOS u l-validità tal-pretensjoni taċ-Ċina rigward ''id-disa' linji ta' demarkazzjoni'' fuq parti kbira mill-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar;

H.

billi l-Filippini ħabbar li se jiftaħ faċilitajiet ġodda ta' bażi navali u tal-ajru b'aċċess estensiv fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u se jagħmel dawn il-faċilitajiet disponibbli għall-bastimenti tal-Istati Uniti, tal-Ġappun u tal-Vjetnam;

I.

billi f'Diċembru 2014, l-UE tat l-istatus ta' SĠP+ lill-Filippini, bħala l-ewwel pajjiż tal-ASEAN li jgawdi minn tali preferenzi kummerċjali; billi dan jippermetti lill-Filippini jesporta 66 % tal-prodotti kollha tiegħu mingħajr tariffi fl-UE, inkluż frott ipproċessat, żejt tal-ġewż tal-Indi, żraben, ħut u tessuti;

J.

billi l-Filippini jikkonsisti f'eluf ta' gżejjer, struttura li toħloq sfida f'termini ta' konnettività interna, infrastruttura u kummerċ;

K.

billi l-UE hija investitur barrani kbir u sieħba kummerċjali tal-Filippini;

L.

billi l-UE hija r-raba' l-akbar sieħba kummerċjali tal-Filippini u r-raba' l-akbar suq tal-esportazzjoni, li jammonta għal 11,56 % tal-esportazzjonijiet kollha tal-Filippini;

M.

billi l-Filippini reċentement esprima l-interess tiegħu li jaderixxi mas-Sħubija Transpaċifika u jinsab attwalment f'konsultazzjoni mal-Istati Uniti dwar l-adeżjoni ma' dan il-ftehim;

N.

billi l-UE aktar minn irduppjat l-allokazzjoni finanzjarja tagħha fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-Filippini tul il-perjodu 2014-2020, u pprovdiet ukoll assistenza umanitarja u ta' emerġenza sinifikanti lill-vittmi ta' tempesti tropikali;

O.

billi l-Filippini huwa t-tielet l-aktar pajjiż li qed jiżviluppa li huwa vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, ċirkostanza li se taffettwa ħażin l-agrikoltura tal-pajjiż u r-riżorsi tal-baħar;

P.

billi l-impatt devastanti tat-tifun Haiyan li fl-2013 qatel madwar 6 000 persuna, qed ikompli jkollu effetti negattivi fuq l-ekonomija, u aggrava b'mod speċjali s-sigurtà tal-ikel, filwaqt li miljun persuna oħra sfaw foqra, skont l-istimi tan-NU;

1.

Jilqa' l-konklużjoni tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni mal-Filippini;

2.

Iqis li l-UE għandha tkompli tipprovdi appoġġ finanzjarju u assistenza għall-bini tal-kapaċità lill-Filippini għat-tnaqqis tal-faqar, l-inklużjoni soċjali, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, il-promozzjoni tal-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, is-sigurtà u r-riforma ġudizzjarja, u tgħin lill-pajjiż fit-tħejjija għad-diżastri, is-sokkors u l-irkupru u l-implimentazzjoni ta' politiki effikaċi biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;

3.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Filippini jkompli jrawwem aktar progress fl-eliminazzjoni tal-korruzzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

4.

Ifaħħar lill-Filippini talli ilu parti mill-koalizzjoni internazzjonali kontra t-terroriżmu sa mill-2001; jesprimi, madankollu, it-tħassib tiegħu dwar ir-rapporti kontinwi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-militari Filippini fit-twettiq ta' miżuri kontra l-irvellijiet, b'mod partikolari minn unitajiet paramilitari;

5.

Jirrimarka li l-grupp Abu Sayyaf huwa akkużat li wettaq l-agħar atti ta' terroriżmu kommessi fil-Filippini, inklużi l-bumbardamenti fatali bħal pereżempju l-attakk fuq vapur f'Manila fl-2004 li wasal għall-qtil ta' aktar minn 100 persuna;

6.

Jenfasizza li qed jiżdied it-tħassib dwar il-fatt li l-ISIS se jikseb l-appoġġ ta' gruppi affiljati fix-Xlokk tal-Asja, peress li qed ixerred propaganda bil-lingwi lokali u xi estremisti fir-reġjun diġà wiegħdu lealtà lejh;

7.

Japprezza l-impenji li saru mill-Gvern tal-Filippini, u jissottolinja l-importanza li jinkiseb proċess ta' paċi għal Mindanao li jkun inklużiv kemm jista' jkun; jinnota l-kontribut li sar għall-ftehimiet ta' Mindanao permezz tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali; jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li l-Ftehim ta' Paċi ta' Mindanao ma ġiex adottat mill-Kungress tal-Filippini; jappella sabiex jitkomplew in-negozjati għall-paċi u li l-Kungress jadotta l-BBL;

8.

Jikkundanna l-massakru tal-24 ta' Diċembru 2015 ta' bdiewa Kristjani minn ribelli separatisti f'Mindanao; jilqa' l-inizjattiva mill-NGO Filippina PeaceTech li t-tfal tal-iskola Kristjani u Musulmani jkunu f'kuntatt ma' xulxin permezz ta' Skype, fi sforz sabiex jiġi promoss il-kuntatt bejn iż-żewġ komunitajiet;

9.

Jistieden lill-Gvern tal-Filippini jibni l-kapaċità fil-qasam ta' ġbir sistematiku ta' data dwar it-traffikar tal-bnedmin, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw lill-gvern, u notevolment il-Kunsill ta' Bejn l-Aġenziji kontra t-Traffikar (IACAT), fl-isforzi li qed isiru biex tissaħħaħ l-assistenza u l-appoġġ lill-vittmi, jidħlu fis-seħħ miżuri effiċjenti ta' infurzar tal-liġi, jitjiebu l-mezzi legali ta' migrazzjoni tal-ħaddiema, u jiġi żgurat trattament dinjituż għall-migranti Filippini f'pajjiżi terzi;

10.

Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom mal-Filippini sabiex ikun hemm skambju ta' intelligence, jikkooperaw u jipprovdu appoġġ għall-bini tal-kapaċità tal-gvern fil-ġlieda internazzjonali kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt;

11.

Jinnota li l-Filippini huwa strateġikament importanti hekk kif jinsab qrib rotot internazzjonali marittimi u tal-ajru ewlenin fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar;

12.

Ifakkar fit-tħassib serju tiegħu dwar it-tensjoni fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; iqis li huwa ta' dispjaċir li, għal kuntrarju tad-Dikjarazzjoni tal-Kondotta tal-2002, bosta partiti qed jippretendu bi dritt art f'ibħra kkontestati; jinsab partikolarment imħasseb dwar l-iskala massiva tal-attivitajiet attwali taċ-Ċina fiż-żona, inkluż bini ta' faċilitajiet militari, portijiet u mill-inqas passaġġ wieħed għat-tlugħ u nżul tal-ajruplani; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fiż-żona kontestata biex joqogħdu lura minn azzjonijiet unilaterali u provokattivi u biex isolvu t-tilwim b'mod paċifiku abbażi tad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-UNCLOS, u b'medjazzjoni u arbitraġġ internazzjonali imparzjali; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jirrikonoxxu l-ġurisdizzjoni kemm tal-UNCLOS kif ukoll tat-tribunal tal-arbitraġġ, u jitlob li tiġi rispettata kwalunkwe deċiżjoni eventwali tal-UNCLOS; jappoġġa l-azzjonijiet kollha li jippermettu li l-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar isir “baħar ta' paċi u kooperazzjoni”; jappoġġa wkoll kull sforz sabiex ikun żgurat li l-partijiet jaqblu fuq kodiċi ta' kondotta għall-isfruttament paċifiku taż-żoni marittimi inkwistjoni, inkluż l-istabbiliment ta' rotot kummerċjali sikuri, u jħeġġeġ miżuri għall-bini ta' fiduċja; jemmen li l-UE għandha timpenja ruħha f'kooperazzjoni bilaterali u multilaterali sabiex tikkontribwixxi b'mod effikaċi għas-sigurtà fir-reġjun;

13.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim ta' Mejju 2014 bejn il-Filippini u l-Indoneżja, li ċċara l-kwistjoni tas-sovrappożizzjoni tal-fruntieri marittimi fl-ibħra ta' Mindanao u Celebes;

14.

Jistieden lill-Filippini, bħala wieħed mill-pajjiżi li ngħata status ta' SĠP+ mill-UE, biex jiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-ambjent u l-governanza tajba, kif elenkati fl-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012; jirrikonoxxi li l-Filippini saħħaħ il-leġiżlazzjoni tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Filippini jkompli jħeġġeġ aktar progress fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-pubblikazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll l-eliminazzjoni tal-korruzzjoni; jesprimi tħassib partikolari fir-rigward fir-repressjoni kontra l-attivisti li qed jagħmlu kampanji b'mod paċifiku biex jipproteġu l-artijiet ta' missirijiethom mill-impatt tas-settur tal-minjieri u d-deforestazzjoni; ifakkar li skont il-SĠP+, il-benefiċjarji se jkollhom juru li huma qed jimplimentaw l-obbligi tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tax-xogħol, tal-ambjent u tal-governanza;

15.

Jieħu nota tal-valutazzjoni SĠP+ mill-Filippini, partikolarment fir-rigward tar-ratifika tas-seba' konvenzjonijiet kollha tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem rilevanti għall-SĠP+ tal-UE; jenfasizza l-ħidma li għad jeħtieġ issir biex jiġu implimentati; jirrikonoxxi l-passi li ħa l-gvern u l-progress li nkiseb sa issa;

16.

Iħeġġeġ lill-Filippini jkompli jtejjeb l-klima ta' investiment, inklużi l-ambjent tal-IDB, billi jżid it-trasparenza u l-governanza tajba u l-implimentazzjoni tal-prinċipji gwida tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp ulterjuri tal-infrastruttura, fejn xieraq permezz ta' sħubijiet pubbliċi-privati; jesprimi tħassib dwar l-effetti li t-tibdil fil-klima ser ikollu fuq il-Filippini;

17.

Iħeġġeġ lill-Gvern jinvesti f'teknoloġiji ġodda u tal-internet sabiex jippromwovi skambji kulturali u kummerċjali bejn il-gżejjer li jiffurmaw il-Filippini;

18.

Jilqa' l-ftehim tat-22 ta' Diċembru 2015 li jinfetħu n-negozjati dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles mal-Filippini; iqis li jkun xieraq li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Filippini jiżguraw standards għoljin dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol u l-ambjent; jenfasizza li tali Ftehim ta' Kummerċ Ħieles għandu jservi bħala element fundamentali lejn ftehim interreġjonali UE-ASEAN dwar il-kummerċ u l-investiment li jista' jerġa' jinbeda b'mod parallel;

19.

Jieħu nota tal-fatt li 800 000 Filippin qed jgħixu fl-UE u li l-baħrin Filippini li jaħdmu fuq bastimenti reġistrati fl-UE jibagħtu flus lejn il-Filippini fl-ammont ta' EUR 3 biljun fis-sena; iqis li l-UE għandha tiżviluppa aktar skambji interpersonali ta' studenti, akkademiċi u ta' riċerkaturi xjentifiċi, kif ukoll skambji kulturali;

20.

Jistieden lill-Istati Membri, huwa u jqis il-fatt li l-maġġoranza tal-ekwipaġġ fuq ħafna bastimenti li ma jtajrux bnadar Komunitarji huma Filippini, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol ħorox u diżumani li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom dawn il-baħħara, biex ma jippermettux li dawn il-bastimenti jintlaqgħu fil-portijiet Ewropej meta l-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord ikunu jiksru d-drittijiet tax-xogħol u l-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ bl-istess mod biex il-bastimenti li ma jtajrux bnadar Komunitarji jiggarantixxu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ekwipaġġ tagħhom skont il-leġiżlazzjoni internazzjonali u r-regoli stipulati mill-ILO u l-IMO;

21.

Jappella sabiex ikun hemm skambji regolari bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Parlament, b'mod li dan tal-aħħar ikun jista' jsegwi l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas u l-kisba tal-objettivi tiegħu;

22.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Filippini.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0262.

(2)  ĠU L 144, 10.6.1980, p. 1.

(3)  ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 99.

(4)  ĠU C 305 E, 11.11.2010, p. 11.

(5)  ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 181.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/77


P8_TA(2016)0266

Segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-11 ta' Frar 2015 dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA (2016/2573(RSP))

(2018/C 086/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 6, 7 u 21 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 18 u 19 tagħha,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,

wara li kkunsidra l-istrumenti rilevanti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta' Diċembru 1984 u l-protokolli rilevanti tagħhom, u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat tal-20 ta' Diċembru 2006,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2178 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-24 ta' Settembru 2014 dwar it-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, imħejji mir-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura u trattament jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti, li jiffoka fuq il-kummissjonijiet ta' inkjesta b'risposta għal sistemi jew prattiki ta' tortura jew forom oħra ta' maltrattament,

wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawżi Nasr u Ghali vs l-Italja (Abu Omar) ta' Frar 2016, Al Nashiri vs il-PolonjaHusayn (Abu Zubaydah) vs il-Polonja ta' Lulju 2014 u El-Masri vs l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ta' Diċembru 2012,

wara li kkunsidra wkoll il-każijiet pendenti u li għadhom għaddejjin quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Abu Zubaydah vs il-LitwanjaAl Nashiri vs ir-Rumanija),

wara li kkunsidra s-sentenza ta' qorti Taljana li sabet ħatja lil 22 aġent tas-CIA, pilota tal-forza tal-ajru u żewġ aġenti Taljani u kkundannathom in absentia għal piena ta' ħabs għar-rwol tagħhom fil-ħtif tal-Imam ta' Milan, Abu Omar, fl-2003,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u tal-Istati Uniti tal-Amerka, tal-15 ta' Ġunju 2009, dwar l-għeluq tal-faċilità ta' detenzjoni fil-Bajja ta' Guantánamo u l-kooperazzjoni futura kontra t-terroriżmu, ibbażata fuq valuri kondiviżi, id-dritt internazzjonali, u r-rispett tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar Guantánamo: deċiżjoni imminenti tal-piena tal-mewt (1), ir-riżoluzzjonijiet l-oħra tiegħu dwar Guantánamo, l-aktar waħda reċenti dik tat-23 ta' Mejju 2013 dwar strajk tal-ġuħ tal-priġunieri (2), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-piena tal-mewt (3) u l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar l-allegat użu ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u ż-żamma illegali ta' priġunieri, adottata f'fażi intermedja tal-ħidma tal-Kumitat Temporanju (4), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2007 dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri (5), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f’pajjiżi Ewropej mis-CIA: segwitu tar-Rapport tal-Kumitat tat-TDIP tal-Parlament Ewropew (6), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA (7),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 u s-6 ta' Ġunju 2014 dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt u dwar ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2013 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2012 (8), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2013-2014) (9),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu “Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt” (COM(2014)0158),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2015 dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA (10),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Brussell dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, adottata f'Marzu 2015,

wara li kkunsidra l-għeluq tal-inkjesta dwar iż-żamma u t-trasport illegali ta' detenuti suspettati b'atti terroristiċi, imwettqa skont l-Artikolu 52 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), kif ukoll it-talba tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati firmatarji kollha tal-KEDB biex jipprovdulu informazzjoni dwar investigazzjonijiet li saru fil-passat jew li għadhom għaddejjin, kawżi rilevanti quddiem il-qrati domestiċi jew miżuri oħra meħuda b'rabta mas-suġġett ta' din l-inkjesta sat-30 ta' Settembru 2015 (11),

wara li kkunsidra l-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern f'Bucharest, ir-Rumanija, tal-24 u l-25 ta' Settembru 2015, u r-rapport relattiv dwar din il-missjoni;

wara li kkunsidra s-seduta pubblika li saret mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fit-13 ta' Ottubru 2015 dwar l-investigazzjoni fir-rigward tal-allegati każijiet ta' trasport u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej min-naħa tas-CIA,

wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni, fl-2015, tal-istudju tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern bit-titolu “A quest for accountability? EU and Member State inquiries into the CIA Rendition and Secret Detention Programme” (Tfittxija għar-responsabbiltà? Inkjesti mill-UE u l-Istati Membri dwar il-programm ta' konsenja u detenzjoni sigrieta tas-CIA),

wara li kkunsidra l-ittra miftuħa tal-11 ta' Jannar 2016 indirizzata lill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka mill-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa fl-okkażjoni tal-14-il anniversarju mill-ftuħ tal-faċilità ta' detenzjoni fil-Bajja ta' Guantánamo,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti adottati mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem – kif ukoll ir-rapporti ppubblikati minnha – b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem tad-detenuti fi Guantánamo, inkluż l-aċċess tagħhom għall-kura medika, ir-rapport tal-2015 tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE-ODIHR), u d-deċiżjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja,

wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar is-segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA (O-000038/2016 – B8-0367/2016 u O-000039/2016 – B8-0368/2016),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-UE hija msejsa fuq il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt internazzjonali, mhux biss fil-politiki interni tagħha iżda anke fid-dimensjoni esterna tagħha; billi l-impenn tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, kif imsaħħaħ bid-dħul fis-seħħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-proċess ta' adeżjoni mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jeħtieġ jiġi rifless fl-oqsma kollha tal-politika sabiex tiżdied l-effikaċja tal-politika tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

B.

billi, bl-enfasi fuq il-“Gwerra kontra t-Terroriżmu”, fil-bilanċ bejn id-diversi poteri tal-istat kien hemm ċaqliqa perikoluża favur poteri akbar għall-gvernijiet, għad-detriment tal-parlamenti u l-ġudikatura, u dan wassal għal livell bla preċedent ta' każijiet fejn ġiet invokata s-segretezza tal-istat, li jimpedixxi l-inkjesti pubbliċi fir-rigward tal-allegati abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

C.

billi l-Parlament talab kemm-il darba biex il-ġlieda kontra t-terroriżmu tirrispetta l-istat tad-dritt, id-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam, abbażi tat-Trattati tal-UE, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-kostituzzjonijiet nazzjonali u l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali;

D.

billi l-Parlament, bħala eżitu tal-ħidma tal-Kumitat Temporanju tiegħu dwar l-allegat użu ta' pajjiżi Ewropej min-naħa tas-Central Intelligence Agency (CIA) tal-Istati Uniti għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri, ikkundanna bil-qawwa l-programm ta' konsenja u detenzjoni sigrieta li jinvolvi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom id-detenzjoni illegali u arbitrarja, it-tortura u trattament inuman jew degradanti ieħor, ksur tal-prinċipju ta' non-refoulement u għajbien sfurzat bl-użu tal-ispazju tal-ajru u t-territorju tal-pajjiżi Ewropej min-naħa tas-CIA;

E.

billi, biex id-drittijiet tal-bniedem jiġu protetti u promossi b'mod effikaċi fil-politiki interni u esterni tal-UE, u biex jiġu żgurati politiki tas-sigurtà leġittimi u effikaċi msejsa fuq l-istat tad-dritt, huwa essenzjali li tittieħed responsabbiltà għal dawn l-atti;

F.

billi l-Parlament talab kemm-il darba li jsiru investigazzjonijiet sħaħ dwar l-involviment tal-Istati Membri tal-UE fil-programm ta' detenzjoni sigrieta u konsenja straordinarja tas-CIA;

G.

billi d-9 ta' Diċembru 2015 kien jaħbat l-ewwel anniversarju mill-pubblikazzjoni tal-istudju tal-Kumitat Magħżul dwar l-Intelligence (SSCI) tal-Istati Uniti dwar il-programm ta' detenzjoni u interrogazzjoni tas-CIA u l-użu ta' diversi forom ta' tortura fuq id-detenuti bejn l-2001 u l-2006; billi l-istudju żvela fatti ġodda li saħħew l-allegazzjonijiet li għadd ta' Stati Membri tal-UE, l-awtoritajiet tagħhom, kif ukoll uffiċjali u aġenti tas-sigurtà u tas-servizzi sigrieti tagħhom kienu kompliċi fil-programm ta' detenzjoni sigrieta u konsenja straordinarja tas-CIA, xi drabi permezz ta' mezzi korrotti bbażati fuq ammonti sostanzjali ta' flus mogħtija mis-CIA bħala ħlas għall-kooperazzjoni tagħhom; billi l-istudju ma wassal għall-ebda tip ta' teħid ta' responsabbiltà min-naħa tal-Istati Uniti fir-rigward tal-programmi ta' konsenja u detenzjoni sigrieta tas-CIA; billi, sfortunatament, l-Istati Uniti naqsu milli jikkooperaw mal-investigazzjonijiet li saru mill-awtoritajiet Ewropej fir-rigward tal-kompliċità tal-pajjiżi Ewropej fil-programmi tas-CIA, u billi ħadd mill-persuni responsabbli għadu ma ntalab iwieġeb għal għemilu;

H.

billi Mark Martins, il-Prosekutur Ewlieni tal-Kummissjonijiet Militari fil-Bajja ta' Guantánamo, iddikjara li l-fatti deskritti fis-sommarju tal-istudju tal-SSCI dwar il-programm ta' detenzjoni u interrogazzjoni tas-CIA seħħew tassew;

I.

billi, permezz tal-informazzjoni fis-sommarju tal-SSCI, twettqet analiżi estensiva ġdida li kkonfermat l-investigazzjonijiet preċedenti b'rabta mal-involviment ta' għadd ta' pajjiżi – fosthom Stati Membri tal-UE – u identifikat toroq investigattivi ġodda;

J.

billi l-Parlament Ewropew preċedenti, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2013, talab lill-Parlament attwali jkompli jwettaq u jimplimenta l-mandat mogħti mill-Kumitat Temporanju dwar l-allegat użu ta' pajjiżi Ewropej min-naħa tas-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri, u konsegwentement jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jkunu ġew segwiti, jistudja l-elementi l-ġodda li jistgħu joħorġu u jeżerċita bis-sħiħ id-drittijiet tiegħu ta' inkjesta, filwaqt li jiżviluppahom;

K.

billi r-riżoluzzjonijiet reċenti adottati mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem – kif ukoll ir-rapporti ppubblikati minnha – b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem tad-detenuti fi Guantánamo jqajmu tħassib dwar il-possibbiltà li xi detenuti, jew tal-inqas xi wħud minnhom, mhumiex qed jirċievu kura medika jew riabilitazzjoni adegwati; billi r-rapport tal-OSKE-ODIHR tal-2015 ukoll jesprimi tħassib b'rabta mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fi Guantánamo, inkluża ċ-ċaħda tad-dritt ta' proċess ġust, u billi d-deċiżjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja jgħidu li diversi detenuti ta' Guantánamo qed jinżammu b'mod arbitrarju;

L.

billi l-President tal-Istati Uniti Barack Obama kien impenja ruħu li sa Jannar 2010 jagħlaq il-faċilità ta' detenzjoni tal-Bajja ta' Guantánamo; billi fil-15 ta' Ġunju 2009, l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti tal-Amerka ffirmaw dikjarazzjoni konġunta dwar l-għeluq tal-faċilità ta' detenzjoni tal-Bajja ta' Guantánamo u l-kooperazzjoni futura kontra t-terroriżmu, ibbażata fuq valuri kondiviżi, id-dritt internazzjonali, u r-rispett tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; billi fit-23 ta' Frar 2016 il-President Obama bagħat lill-Kungress pjan biex jingħalaq darba għal dejjem il-ħabs militari tal-Bajja ta' Guantánamo; billi l-kontribut tal-Istati Membri tal-UE biex xi wħud mill-priġunieri jiġu risistemati kien limitat;

M.

billi l-ebda wieħed mill-Istati Membri implikati ma wettaq investigazzjonijiet sħaħ u effikaċi sabiex il-persuni responsabbli minn reati fil-qafas tad-dritt internazzjonali u domestiku jitressqu quddiem il-ġustizzja, jew biex tiġi żgurata r-responsabbiltà wara l-pubblikazzjoni tal-istudju tas-Senat tal-Istati Uniti;

N.

billi huwa ta' dispjaċir li l-membri tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament f'Bucharest ma setgħux iżuru l-bini tal-Uffiċċju tar-Reġistru Nazzjonali tal-Informazzjoni Klassifikata (ORNISS) li, skont xi rapporti, kien intuża bħala sit ta' detenzjoni sigriet mis-CIA;

O.

billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2015 dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA, il-Parlament ta istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex, flimkien mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u b'mod partikolari s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, ikompli bl-investigazzjonijiet tiegħu dwar l-allegati każijiet ta' trasport u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej min-naħa tas-CIA u jirrapporta lill-plenarja fi żmien sena;

1.

Jenfasizza l-importanza unika u n-natura strateġika tar-relazzjoni transatlantika fi żmien ta' instabbiltà globali li qed tiżdied; huwa tal-fehma li din ir-relazzjoni, li hija bbażata fuq interessi komuni u valuri kondiviżi, jeħtieġ tissaħħaħ aktar abbażi tar-rispett għall-multilateraliżmu, l-istat tad-dritt u r-riżoluzzjoni negozjata tal-kunflitti;

2.

Itenni l-kundanna qawwija tiegħu fir-rigward tal-użu ta' tekniki ta' interrogazzjoni msaħħa, li huma pprojbiti skont id-dritt internazzjonali u li jiksru, fost l-oħrajn, id-drittijiet għal-libertà, is-sigurtà, it-trattament dinjituż, il-libertà mit-tortura, il-preżunzjoni tal-innoċenza, il-proċess ġust, il-konsulenza legali u l-protezzjoni ugwali skont il-liġi;

3.

Jesprimi, sena wara l-pubblikazzjoni tal-istudju tas-Senat tal-Istati Uniti, it-tħassib serju tiegħu dwar l-apatija li wrew l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tar-rikonoxximent tad-diversi każijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali u tortura li seħħew fl-Ewropa bejn l-2001 u l-2006, l-investigazzjoni tagħhom u t-tressiq ta' dawk kompliċi u responsabbli quddiem il-ġustizzja;

4.

Jilqa' s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-23 ta' Frar 2016 fil-kawża Nasr u Ghali vs l-Italja (44883/09), li fiha ntqal li l-awtoritajiet Taljani kienu jafu bit-tortura mwettqa fil-konfront tal-imam Eġizzjan Abu Omar, u evidentement kienu użaw il-prinċipju tas-“segretezza tal-istat” biex jiżguraw li dawk responsabbli jgawdu minn impunità de facto; jitlob lill-eżekuttiv Taljan ineħħi l-prinċipju tas-“segretezza tal-istat” għall-eks-kap tas-Servizzi Sigrieti u s-Sigurtà Militari (SISMi) u l-viċi tiegħu, kif ukoll għal tliet eks-membri tas-SISMi, sabiex jiġi żgurat li ssir ġustizzja mingħajr ma jkun hemm ostakli;

5.

Jiddeplora l-fatt li f'Settembru 2015 saret biss missjoni trasversali waħda ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Rumanija; jitlob li l-Parlament Ewropew jorganizza aktar missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni fil-pajjiżi li l-istudju tas-Senat tal-Istati Uniti dwar il-programm ta' detenzjoni u interrogazzjoni tas-CIA identifika bħala kompliċi f'dak il-programm, bħalma huma l-Litwanja, il-Polonja, l-Italja u r-Renju Unit;

6.

Jenfasizza l-fatt li l-kooperazzjoni transatlantika bbażata fuq valuri komuni bħall-promozzjoni tal-libertà u s-sigurtà, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem hija u għandha tkun prijorità ewlenija fir-relazzjonijiet barranin tal-UE; itenni l-pożizzjoni ċara stabbilita fid-dikjarazzjoni tal-2009 tal-UE u l-Istati Uniti, fis-sens li l-isforzi konġunti biex jiġi miġġieled it-terroriżmu jeħtieġ ikunu konformi mal-obbligi previsti mid-dritt internazzjonali, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju, u li dan se jsaħħaħ il-pajjiżi tagħna u jagħmilhom aktar siguri; jitlob lill-Istati Uniti jagħmlu kull sforz, f'dan il-kuntest, biex jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE bħalma jirrispettaw dawk taċ-ċittadini Amerikani;

7.

Jemmen li l-kooperazzjoni transatlantika dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu jeħtieġ tirrispetta d-drittijiet fundamentali, il-libertajiet fundamentali u l-privatezza, kif iggarantiti mil-leġiżlazzjoni tal-UE, għall-benefiċċju taċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku; jitlob li jkompli d-djalogu politiku bejn is-sħab transatlantiċi dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluża l-protezzjoni tad-drittijiet ċivili u d-drittijiet tal-bniedem, sabiex it-terroriżmu jiġi miġġieled b'mod effikaċi;

8.

Jiddeplora l-fatt li, aktar minn sena wara l-pubblikazzjoni tal-istudju tas-Senat tal-Istati Uniti u l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni ta' dan il-Parlament li fiha l-Istati Uniti ntalbu jinvestigaw u jistitwixxu proċedimenti ġudizzjarji fil-konfront tad-diversi każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li rriżultaw mill-programmi ta' konsenja u detenzjoni sigrieta tas-CIA, u jikkooperaw mat-talbiet kollha min-naħa tal-Istati Membri tal-UE b'rabta mal-programm tas-CIA, ħadd minn dawk responsabbli ma ntalab iwieġeb għal għemilu u l-Gvern tal-Istati Uniti naqas milli jikkoopera mal-Istati Membri tal-UE;

9.

Itenni l-appell tiegħu lill-Istati Uniti biex ikomplu jinvestigaw u jistitwixxu proċedimenti ġudizzjarji fil-konfront tad-diversi każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li rriżultaw mill-programmi ta' konsenja u detenzjoni sigrieta tas-CIA mmexxija mill-amministrazzjoni Amerikana preċedenti, u jikkooperaw mat-talbiet kollha min-naħa tal-Istati Membri tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni, estradizzjonijiet u rimedji effettivi għall-vittmi b'rabta mal-programm tas-CIA; iħeġġeġ lill-SSCI tal-Istati Uniti jippubblika l-istudju sħiħ tiegħu dwar il-programm ta' detenzjoni u interrogazzjoni tas-CIA; jenfasizza l-konklużjoni fundamentali li wasal għaliha s-Senat tal-Istati Uniti li l-metodi vjolenti u illegali applikati mis-CIA naqsu milli jiġġeneraw informazzjoni li kellha tevita aktar attakki terroristiċi; ifakkar il-kundanna assoluta tiegħu fil-konfront tat-tortura u l-għajbien sfurzat; jistieden ukoll lill-Istati Uniti jikkonformaw mad-dritt internazzjonali li jirregola l-investigazzjoni ta' allegazzjonijiet attwali ta' tortura u maltrattament fi Guantánamo, fosthom diversi talbiet min-naħa tal-Istati Membri għal informazzjoni rigward detenuti li kienu miżmuma f'ħabsijiet sigrieti tas-CIA kif ukoll min-naħa tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura b'rabta mal-mandat tiegħu biex jispezzjona Guantánamo u jintervista l-vittmi ta' atti ta' tortura mis-CIA;

10.

Jiddeplora l-għeluq tal-inkjesta mwettqa mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa skont l-Artikolu 52 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, peress li l-investigazzjonijiet f'għadd ta' Stati Membri għadhom għaddejjin u hemm bżonn aktar osservazzjoni f'dan ir-rigward; itenni, għaldaqstant, l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex jinvestigaw, bi trasparenza sħiħa, l-allegazzjonijiet li fit-territorju tagħhom kien hemm ħabsijiet sigrieti li fihom inżammu persuni fil-qafas tal-programm tas-CIA, u biex jistitwixxu proċedimenti ġudizzjarji fil-konfront tal-persuni involuti f'dawn l-operazzjonijiet, inklużi atturi pubbliċi, fid-dawl tal-evidenza l-ġdida kollha li ħarġet (inklużi l-pagamenti li saru, kif deskritt fis-sommarju tal-SSCI), u jinnota b'dispjaċir il-pass batut tal-investigazzjonijiet, il-livell baxx ta' responsabbiltà u s-serħan eċċessiv fuq is-sigrieti tal-istat;

11.

Iħeġġeġ lil-Litwanja, ir-Rumanija u l-Polonja jwettqu b'urġenza investigazzjonijiet kriminali trasparenti, dettaljati u effikaċi fir-rigward tal-faċilitajiet ta' detenzjoni sigrieti tas-CIA fit-territorji rispettivi tagħhom, u jagħmlu dan fid-dawl tal-evidenza fattwali kollha li ġiet żvelata, iressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk li wettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jippermettu lill-investigaturi jwettqu eżami dettaljat tan-netwerk tat-titjiriet tal-konsenji u ta' kuntatti li huwa magħruf pubblikament li organizzaw jew ipparteċipaw fit-titjiriet inkwistjoni, iwettqu eżamijiet forensiċi fil-ħabsijiet u fir-rigward tal-għoti ta' kura medika lid-detenuti miżmuma f'dawn il-postijiet, janalizzaw ir-rekords telefoniċi u t-trasferimenti ta' flus, jikkunsidraw applikazzjonijiet għall-istatus/il-parteċipazzjoni fl-investigazzjoni min-naħa ta' dawk li setgħu kienu vittmi, u jiżguraw li jitqiesu r-reati rilevanti kollha, inkluż b'rabta mat-trasferiment ta' detenuti, jew jippubblikaw il-konklużjonijiet ta' kwalunkwe investigazzjoni li saret sal-lum;

12.

Jinsisti fuq l-eżekuzzjoni sħiħa u fil-pront tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-konfront tal-Polonja u tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, inkluża l-konformità ma' miżuri individwali u ġenerali urġenti; itenni l-appell tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa biex il-Polonja tfittex u tirċievi assigurazzjonijiet diplomatiċi min-naħa tal-Istati Uniti fir-rigward tan-nuqqas ta' applikazzjoni tal-piena tal-mewt u assigurazzjoni ta' proċedimenti ġusti, u twettaq investigazzjonijiet kriminali dettaljati, effikaċi u f'waqthom, tiżgura li jiġu indirizzati r-reati rilevanti kollha, inkluż b'rabta mal-vittmi kollha, u tressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk li wettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa', għaldaqstant, l-intenzjoni tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li toħloq korp investigattiv indipendenti ad hoc, u jħeġġeġ it-twaqqif tiegħu mingħajr dewmien u b'appoġġ u parteċipazzjoni fil-livell internazzjonali;

13.

Ifakkar li l-eks-direttur tas-servizzi sigrieti Rumeni, Ioan Talpes, ammetta uffiċjalment mad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li huwa kien jaf bil-preżenza tas-CIA fit-territorju Rumen, u rrikonoxxa li kien ta permess biex “jikri” bini tal-gvern lis-CIA;

14.

Jesprimi tħassib dwar l-ostakli li ltaqgħu magħhom l-investigazzjonijiet parlamentari u ġudizzjarji nazzjonali fir-rigward tal-involviment ta' xi Stati Membri fil-programm tas-CIA, u l-klassifikazzjoni ta' dokumenti li ma kellhiex issir u li wasslet għal impunità de facto fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

15.

Ifakkar li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem issa rrikonoxxiet espressament – fis-sentenza tagħha tal-24 ta' Lulju 2014 – li sorsi pubbliċi u evidenza kumulattiva li jgħinu biex jintefa' aktar dawl fuq l-involviment tal-Istati Membri fil-programm ta' konsenja tas-CIA huma evidenza ammissibbli fi proċedimenti ġudizzjarji, speċjalment jekk id-dokumenti uffiċjali tal-istat ikunu esklużi mill-iskrutinju pubbliku jew tal-qrati għal raġunijiet ta' “sigurtà nazzjonali”;

16.

Jilqa' l-isforzi li saru s'issa mir-Rumanija, u jitlob lis-Senat Rumen jiddeklassifika l-partijiet klassifikati li fadal tar-rapport tal-2007 tiegħu, jiġifieri l-annessi li fuqhom kienu bbażati l-konklużjonijiet tal-inkjesta tas-Senat Rumen; itenni l-appell tiegħu lir-Rumanija biex tinvestiga l-allegazzjonijiet li kien hemm ħabs sigriet, tistitwixxi proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-persuni involuti f'dawn l-operazzjonijiet, fid-dawl tal-evidenza l-ġdida kollha li ħarġet, u tikkonkludi l-investigazzjoni b'urġenza;

17.

Jinnota li t-tagħrif miġbur matul l-inkjesta tal-Kumitat Parlamentari għas-Sigurtà u d-Difiża Nazzjonali Litwan (Seimas CNSD) fir-rigward tal-involviment tal-Litwanja fil-programm ta' detenzjoni sigriet ma ġiex ippubblikat, u jitlob il-pubblikazzjoni ta' dan it-tagħrif;

18.

Jesprimi d-diżappunt tiegħu li, minkejja diversi talbiet (ittra lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Rumanija mingħand il-President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament, u talba oħra fi żmien il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni lis-Segretarju tal-Istat), il-membri tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni ma setgħux iżuru “Bright Light”, bini li ġie rrappurtat kemm-il darba – anke uffiċjalment – li ntuża bħala sit ta' detenzjoni;

19.

Jistieden lill-Membri kollha tal-Parlament Ewropew jappoġġjaw b'mod sħiħ u attiv l-investigazzjoni dwar l-involviment tal-Istati Membri tal-UE fil-programm ta' detenzjoni sigrieta u konsenja straordinarja tas-CIA, speċjalment dawk li kellhom karigi governattivi fil-pajjiżi kkonċernati meta seħħew il-każijiet li qed jiġu investigati;

20.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrappurtaw lura lill-plenarja qabel tmiem Ġunju 2016 dwar l-azzjoni meħuda fuq ir-rakkomandazzjonijiet u t-talbiet magħmula mill-Parlament Ewropew fl-inkjesta tiegħu dwar l-allegati każijiet ta' trasport u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej min-naħa tas-CIA u fir-riżoluzzjonijiet sussegwenti tiegħu, u dwar il-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet u l-proċedimenti ġudizzjarji mwettqa fl-Istati Membri;

21.

Jitlob li d-djalogu interparlamentari regolari u strutturat bejn l-UE u l-Istati Uniti, b'mod partikolari bejn il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew u l-kontropartijiet rilevanti tiegħu fil-Kungress u s-Senat tal-Istati Uniti, jissaħħaħ bl-użu tal-mezzi kollha ta' kooperazzjoni u djalogu previsti fid-Djalogu Transatlantiku tal-Leġiżlaturi (TLD); jilqa', f'dan ir-rigward, it-78 laqgħa tat-TLD bejn il-Parlament Ewropew u l-Kungress tal-Istati Uniti, li se ssir f'The Hague bejn is-26 u t-28 ta' Ġunju 2016 bħala opportunità biex tissaħħaħ dik il-kooperazzjoni, peress li l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu se tkun parti integrali mid-diskussjoni;

22.

Ifakkar li t-trasparenza hija l-pedament assolut ta' kwalunkwe soċjetà demokratika, il-kundizzjoni indispensabbli għar-responsabbiltà ta' gvern fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu; jesprimi, għaldaqstant, it-tħassib serju tiegħu dwar ix-xejra dejjem akbar li l-gvernijiet jinvokaw is-“sigurtà nazzjonali” bl-għan uniku jew primarju li jimpedixxu l-iskrutinju pubbliku min-naħa taċ-ċittadini (li l-gvern huwa responsabbli lejhom) jew min-naħa tal-ġudikatura (li hija l-gwardjan tal-liġijiet ta' pajjiż); jirrimarka l-periklu kbir li tista' tirrappreżenta d-diżattivazzjoni ta' kwalunkwe mekkaniżmu ta' responsabbiltà demokratika, li effettivament jeżenta lill-gvern mir-responsabbiltà tiegħu;

23.

Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li l-wegħda tal-President tal-Istati Uniti li jagħlaq il-faċilità ta' Guantánamo sa Jannar 2010 għadha ma ġietx implimentata; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jeżaminaw mill-ġdid is-sistema ta' kummissjonijiet militari bil-għan li jiġu żgurati proċessi ġusti, jagħlqu Guantánamo, u jipprojbixxu fi kwalunkwe ċirkustanza l-użu tat-tortura, il-maltrattament u d-detenzjoni indefinita mingħajr proċess;

24.

Jiddispjaċih li l-Gvern tal-Istati Uniti ma rnexxilux jilħaq wieħed mill-objettivi ewlenin tiegħu, jiġifieri li jagħlaq il-faċilità ta' detenzjoni fil-bażi militari tal-Istati Uniti fil-Bajja ta' Guantánamo; jappoġġja kull sforz ieħor biex tingħalaq din il-faċilità ta' detenzjoni u jinħelsu d-detenuti li ma ġewx akkużati; jitlob lill-Istati Uniti jindirizzaw it-tħassib imqajjem mill-korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem tad-detenuti fi Guantánamo, inkluż l-aċċess għal kura medika adegwata u l-miżuri ta' riabilitazzjoni għas-superstiti tat-tortura; jenfasizza li l-President Obama, fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-20 ta' Jannar 2015, tenna d-determinazzjoni tiegħu li jwettaq il-wegħda li għamel matul il-kampanja elettorali tal-2008 li jagħlaq il-ħabs fil-Bajja ta' Guantánamo, u jilqa', barra minn hekk, il-pjan li bagħat lill-Kungress fit-23 ta' Frar 2016; jitlob lill-Istati Membri joffru asil lil dawk il-priġunieri li rċevew uffiċjalment l-awtorizzazzjoni biex jinħelsu;

25.

Itenni l-konvinzjoni tiegħu li proċessi kriminali normali soġġetti għall-ġurisdizzjoni ċivili huma l-aqwa mod biex jissolva l-istatus tad-detenuti ta' Guantánamo; jinsisti li d-detenuti li jinsabu fil-kustodja tal-Istati Uniti għandhom jiġu akkużati minnufih u pproċessati skont l-istandards internazzjonali tal-istat tad-dritt jew jinħelsu; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li għandhom japplikaw għal kulħadd, mingħajr ebda diskriminazzjoni, l-istess standards dwar proċessi ġusti;

26.

Jitlob lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti ma jimponux il-piena tal-mewt fuq id-detenuti tal-Bajja ta' Guantánamo;

27.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Awtorità ta' Konvokazzjoni għall-Kummissjonijiet Militari tal-Istati Uniti, lis-Segretarju tal-Istat, il-President, il-Kungress u s-Senat tal-Istati Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.


(1)  ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 132.

(2)  ĠU C 55, 12.2.2016, p. 123.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2015)0348.

(4)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 833.

(5)  ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 309.

(6)  ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 1.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2013)0418.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2014)0173.

(9)  Testi adottati, P8_TA(2015)0286.

(10)  Testi adottati, P8_TA(2015)0031.

(11)  http://website-pace.net/documents/19838/2008330/AS-JUR-INF-2016-06-EN.pdf/f9280767-bf73-44a1-8541-03204e2dfae3


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/84


P8_TA(2016)0267

Kapaċitajiet fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża Ewropea

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar kapaċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża Ewropea (2015/2276(INI))

(2018/C 086/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Europea (TUE),

wara li kkunsidra t-Titoli XVII u XIX tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra t-talba ta' Franza tas-17 ta' Novembru 2015 għall-għajnuna u l-assistenza taħt l-Artikolu 42(7) tat-TUE,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2015 dwar it-tisħiħ tar-rispons tal-ġustizzja kriminali fil-konfront tar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u għall-estremiżmu vjolenti,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2013 u tal-25 u s-26 ta' Ġunju 2015,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2013 u tat-18 ta' Novembru 2014 dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 u l-21 ta' Frar 2014 dwar il-politika dwar l-ispazju,

wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tas-7 ta' Lulju 2014 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u l-Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tagħha dwar id-difiża,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-11 ta' Diċembru 2013 tal-VP/RGħ u l-Kummissjoni bit-titolu “L-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni” (JOIN(2013)0030), u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2014,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Jens Stoltenberg, is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), fil-Parlament Ewropew fit-30 ta' Marzu 2015 dwar kooperazzjoni aktar stretta bejn l-UE u n-NATO,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' Bob Work, il-Viċi Segretarju għad-Difiża tal-Istati Uniti, fit-28 ta' Jannar 2015 u fl-10 ta' Settembru 2015 dwar it-tielet Strateġija Offset tal-Istati Uniti u l-implikazzjonijiet tagħha għas-sħab u l-alleati,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tat-18 ta' Novembru 2015 tal-VP/RGħ u tal-Kummissjoni bit-titolu “Ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat” (JOIN(2015)0050),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 377/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 911/2010 (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tistabbilixxi Qafas għall-Appoġġ tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (3);

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0151/2016),

A.

billi l-ambjent ta' sigurtà qed isir dejjem aktar perikoluż u ta' sfida, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha, ikkaratterizzat minn attakki terroristiċi u qtil tal-massa li jaffettwaw lill-Istati Membri kollha u li għalihom l-Istati Membri jeħtiġilhom iwieġbu billi jadottaw strateġija konġunta u rispons ikkoordinat; billi dawk l-isfidi ta' sigurtà jqajmu l-ħtieġa ta' tisħiħ tas-sigurtà tal-UE permezz tal-iżvilupp kontinwu u l-appoġġ tal-UE għall-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni sabiex issir strument ta' politika aktar effikaċi u garanzija reali għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u għall-promozzjoni u l-ħarsien ta' normi, interessi u valuri Ewropej kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE;

B.

billi jeħtieġ li l-UE tqawwi r-rwol tagħha bħala fornitur tas-sigurtà internament u esternament, u tiżgura l-istabbiltà fil-viċinat tagħha u fid-dinja; billi jeħtieġ li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-isfidi għas-sigurtà, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw mit-terroriżmu sew internament kif ukoll esternament, inkluż permezz ta' appoġġ għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kawżi ewlenin tiegħu; billi l-Istati Membri u l-Unjoni jeħtiġilhom jaħdmu flimkien b'mod effikaċi u koerenti fuq sistema ta' ġestjoni tal-fruntieri sabiex il-fruntieri esterni jkunu siguri;

C.

billi jeħtieġ li l-Unjoni ttejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tagħha mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u mal-Istati Uniti, li t-tnejn jibqgħu garanturi għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-Ewropa, flimkien man-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-Unjoni Afrikana, u l-ġirien u s-sħab reġjonali oħrajn;

D.

billi jeħtieġ li l-Unjoni tindirizza l-kawżi sottostanti tal-isfidi għas-sigurtà tagħna, ta' taqlib u ta' kunflitt armat fil-viċinat tagħna, tal-migrazzjoni, tad-degradazzjoni tal-għajxien tal-persuni minn atturi statali u mhux statali, u l-erożjoni tal-Istati u l-ordnijiet reġjonali, inkluż bħala riżultat tat-tibdil fil-klima u l-faqar, permezz ta' approċċ għall-ġestjoni ta' kriżijiet ġewwa u barra l-Unjoni li jkun komprensiv u msejjes fuq il-valuri;

E.

billi l-kapaċitajiet bis-satellita jistgħu jintużaw biex jiġi vvalutat u identifikat aħjar il-fluss ta' immigranti illegali u r-rotot li jużaw, u, fil-każ ta' dawk li ġejjin mill-Afrika ta' Fuq, jiġu identifikati ż-żoni minn fejn qed jimbarkaw sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod aktar rapidu u jiġu salvati aktar ħajjiet;

F.

billi l-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2015, li ffoka fuq id-difiża, appella għal trawwim ta' kooperazzjoni Ewropea akbar u aktar sistematika fil-qasam tad-difiża bil-għan li jiġu pprovduti l-kapaċitajiet ewlenin, inkluż permezz tal-użu koerenti u effiċjenti ta' fondi tal-UE;

G.

billi l-politika dwar l-ispazju hija element essenzjali tal-awtonomija strateġika li l-UE jeħtiġilha tiżviluppa sabiex tħares il-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali sensittivi u l-kapaċitajiet biex jitwettqu valutazzjonijiet indipendenti;

H.

billi l-kapaċitajiet spazjali għas-Sigurtà u d-Difiża Ewropea huma importanti u, f'xi każijiet, saħansitra vitali, għal numru kbir ta' sitwazzjonijiet, li jvarjaw minn użu ta' kuljum fi żmien ta' paċi għall-ġestjoni ta' kriżijiet u sfidi ta' sigurtà aktar akuti, inkluża gwerra fuq skala sħiħa; billi l-iżvilupp ta' tali kapaċitajiet huwa impenn fuq medda twila ta' żmien; billi l-iżvilupp ta' kapaċitajiet futuri jrid jiġi pprogrammat meta l-kapaċitajiet attwali jkunu qed jiġu skjerati;

I.

billi l-proliferazzjoni tat-teknoloġiji spazjali u d-dipendenza dejjem tikber tas-soċjetajiet fuq is-satelliti jżidu l-kompetizzjoni fuq l-assi spazjali (rotot, frekwenzi) u tagħmel mis-satelliti infrastruttura kritika; billi l-iżvilupp ta' teknoloġiji kontra s-satelliti (ASAT) minn għadd ta' atturi, inklużi l-kapaċitajiet ta' armi orbitali, juru li l-ispazju qed jimtela bl-armamenti;

J.

billi, fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, l-Unjoni tista' taġixxi permezz ta', fost oħrajn, istituzzjonijiet bħall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u ċ-Ċentru Satellitari tal-UE;

K.

billi l-assi spazjali Ewropej ġew żviluppati matul dawn l-aħħar ħames deċennji bis-saħħa tal-isforzi kkoordinati tal-aġenziji spazjali nazzjonali u, aktar tard, tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA); billi t-Trattat dwar l-ispazju extratmosferiku, il-qafas legali bażiku tal-liġi internazzjonali dwar l-ispazju, daħal fis-seħħ f'Ottubru 1967;

L.

billi l-iżvilupp u s-sosteniment tal-kapċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża fl-Ewropa jeħtieġu kooperazzjoni effikaċi u sinerġija bejn l-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet Ewropej u dawk internazzjonali;

M.

billi l-kapċitajiet spazjali tal-UE għandhom ikunu kompatibbli mal-kapaċitajiet tan-NATO u tal-Istati Uniti, sabiex ikunu jistgħu jintużaw b'mod sħiħ bħala netwerk f'każ ta' kriżi;

N.

billi r-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġija fil-qasam tal-ispazju huwa settur b'rendiment għoli li jipproduċi wkoll prodotti sekondarji ta' software u hardware ta' kwalità għolja għal użu kummerċjali varjat;

1.

Iqis li l-kapaċitajiet u s-servizzi fil-qasam tal-ispazju jaqdu rwol ewlieni, fost l-oħrajn, fil-kuntest tas-sigurtà u d-difiża Ewropea; hu konvint li l-kapaċitajiet u s-servizzi attwali u futuri fil-qasam tal-ispazju se jagħtu lill-Istati Membri u lill-Unjoni kapaċità operazzjonali mtejba ta' użu doppju għall-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni u ta' politiki oħra tal-UE f'oqsma bħalma huma l-azzjoni esterna, il-ġestjoni tal-fruntieri, is-sigurtà marittima, l-agrikoltura, l-ambjent, l-azzjoni klimatika, is-sigurtà tal-enerġija, il-ġestjoni tad-diżastri, l-għajnuna umanitarja u t-trasport;

2.

Iqis li hemm bżonn ta' aktar implimentazzjoni tal-PSDK; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiżdiedu l-effikaċja, il-viżibbiltà u l-impatt tal-PSDK; jafferma mill-ġdid l-importanza u l-valur miżjud tal-Politika dwar l-Ispazju għall-PSDK; iqis li l-ispazju għandu jkun inkluż fil-politiki futuri tal-Unjoni (eż. is-sigurtà interna, it-trasport, l-ispazju, l-enerġija, ir-riċerka) u li għandhom jissaħħu u jiġu sfruttati aktar is-sinerġiji mal-ispazju; jenfasizza li l-użu tal-kapċitajiet spazjali fil-gwerra kontra t-terroriżmu u organizzazzjonijiet terroristiċi, permezz tal-kapaċità ta' lokalizzazzjoni u ta' monitoraġġ tal-kampijiet ta' taħriġ tagħhom, huwa vitali;

3.

Jemmen li l-gvernijiet nazzjonali u l-Unjoni għandhom itejbu l-kapaċitajiet ta' komunikazzjoni satellitari fil-qasam tal-ispazju tagħhom, l-għarfien tas-sitwazzjoni tal-ispazju, in-navigazzjoni preċiża u l-kapaċitajiet għall-osservazzjoni tad-dinja, u jiżguraw in-nondipendenza Ewropea rigward it-teknoloġiji spazjali kruċjali u l-aċċess għall-ispazju; iqis li l-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali, b'mod partikolari, se jkompli jaqdi rwol vitali f'affarijiet militari u ċivili; jissottolinja l-impenn favur in-nonmilitarizzazzjoni tal-ispazju; jirrikonoxxi li, sabiex jintlaħaq dan il-għan, jeħtieġ investiment finanzjarju suffiċjenti; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu l-awtonomija tal-UE fir-rigward tal-istrutturi spazjali, filwaqt li jipprovdu r-riżorsi meħtieġa għal dan il-għan; iqis li dan l-għan huwa ta' importanza vitali għal attivitajiet ċivili (fil-pajjiżi tal-Punent huwa stmat li bejn 6 u 7 % tal-PDG huwa dipendenti fuq it-teknoloġija ta' pożizzjonar u navigazzjoni permezz tas-satellita) u għas-sigurtà u d-difiża; jemmen li l-kooperazzjoni għandha tinbeda fuq bażi intergovernattiva u permezz tal-ESA;

4.

Jissottolinja d-dimensjoni tas-sigurtà tal-programm Copernicus, b'mod partikolari l-applikazzjonijiet li għandhom il-għan li jipprevjenu u jirrispondu għall-kriżi, l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni, il-prevenzjoni tal-kunflitti li tinvolvi monitoraġġ tal-konformità ma' trattati internazzjonali, u s-sorveljanza marittima; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-objettiv tal-prevenzjoni tal-kunflitti tal-kapċitajiet spazjali;

5.

Jenfasizza li l-politika dwar l-ispazju tal-UE tippromwovi l-progress xjentifiku u tekniku, il-kompetittività industrijali u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, skont l-Artikolu 189 tat-TFUE, li jinkludi l-politika ta' sigurtà u ta' difiża; ifakkar li ż-żewġ programmi ewlenin tal-UE – Galileo u Copernicus – huma programmi ċivili taħt kontroll ċivili u li n-natura Ewropea ta' Galileo u Copernicus għamlet dawn il-programmi possibbli u żgurat is-suċċess tagħhom; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-programmi Ewropej fil-qasam tal-ispazju jiżviluppaw kapaċitajiet u servizzi ċivili spazjali li jkunu rilevanti għall-kapaċitajiet ta' sigurtà u ta' difiża Ewropej, partikolarment permezz tal-allokazzjoni ta' fondi adegwati għar-riċerka; jemmen li l-kapaċità ta' użu doppju tal-kapċitajiet spazjali huwa importanti sabiex isir l-aktar użu effikaċi mir-riżorsi;

6.

Jenfasizza li l-programmi spazjali għandhom benefiċċji ta' sigurtà u ta' difiża li huma marbuta b'mod teknoloġiku mal-benefiċċji ċivili u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-kapaċità ta' użu doppju ta' Galileo u Copernicus; jemmen li din il-kapaċità għandha tiġi żviluppata bis-sħiħ fil-ġenerazzjonijiet li jmiss, inkluż pereżempju fit-titjib tal-preċiżjoni, l-awtentikazzjoni, il-kriptaġġ, il-kontinwità u l-integrità (Galileo); jenfasizza li d-data ta' osservazzjoni tad-dinja u s-sistemi ta' pożizzjonament b'riżoluzzjoni għolja huma utli għall-applikazzjonijiet fl-oqsma ċivili u tas-sigurtà, pereżempju fl-oqsma tal-ġestjoni tad-diżastri, l-azzjonijiet umanitarji, l-għajnuna għar-rifuġjati, is-sorveljanza marittima, it-tisħin globali, is-sigurtà tal-enerġija u s-sigurtà globali tal-ikel, kif ukoll għad-detezzjoni tad-diżastri naturali globali u r-rispons għalihom, speċjalment nixfiet, terremoti, għargħar u nirien fil-foresti; jinnota l-ħtieġa għal interazzjoni aħjar bejn id-drones u s-satelliti; jitlob li fir-rieżami ta' nofs it-terminu jiġu disposti biżżejjed riżorsi għall-iżvilupp fil-ġejjieni tas-sistemi satelittari kollha;

7.

Iqis li hu meħtieġ approċċ olistiku, integrat u fit-tul għall-qasam tal-ispazju fil-livell tal-UE; jemmen li s-settur tal-ispazju għandu jissemma fl-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta' Sigurtà l-ġdida, filwaqt li jitqies l-iżvilupp attwali tal-programmi tal-UE ta' użu doppju relatati mal-ispazju u l-ħtieġa li jiġu żviluppati ulterjorment il-programmi ċivili tal-UE fil-qasam tal-ispazju li jistgħu jintużaw kemm għad-difiża, kif ukoll għas-sigurtà ċivili;

8.

Jilqa' l-inizjattiva multilaterali sponsorjata mill-UE lejn Kodiċi ta' Kondotta għall-Attivitajiet fl-Ispazju bħala mod ta' kif jiġu introdotti standards ta' mġiba fl-ispazju hekk kif tipprova tikseb aktar sikurezza, sigurtà u sostenibbiltà fl-ispazju billi tenfasizza li l-attivitajiet fil-qasam tal-ispazju għandhom jinvolvu livell għoli ta' kura, diliġenza dovuta, u trasparenza xierqa, bil-għan li tinbena l-fiduċja fis-settur tal-ispazju;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi fi żmien qasir il-ħtiġijiet tal-UE rigward il-kontribut potenzjali tal-politika dwar l-ispazju lill-PSDK għall-aspetti ewlenin kollha: l-illanċjar, il-pożizzjonament, l-użu ta' immaġni, il-komunikazzjoni, it-temp fl-ispazju, id-debris fl-ispazju, iċ-ċibersigurtà, l-imblukkar (jamming), l-ispoofing u theddid intenzjonali ieħor, u s-sigurtà tas-segment terrestri; iqis li l-karatteristiċi futuri fil-qasam tal-ispazju tas-sistemi Ewropej attwali għandhom jiġu stabbiliti skont ir-rekwiżiti tal-PSDK u għandhom ikopru l-aspetti relatati kollha msemmija hawn fuq;

10.

Jappella biex ir-rekwiżiti meħtieġa għal sistemi futuri, privati u pubbliċi, li jikkontribwixxu għall-applikazzjonijiet safety-of-life (sikurezza tal-ħajja) (eż. pożizzjonar, ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM)) jiġu definiti fir-rigward tal-protezzjoni kontra attakki tas-sigurtà possibbli (imblukkar, spoofing, attakki ċibernetiċi, it-temp fl-ispazju u d-debris); iqis li dawn ir-rekwiżiti ta' sikurezza għandhom ikunu ċertifikabbli u taħt is-sorveljanza ta' entità Ewropea (bħall-EASA);

11.

Jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-iżvilupp ta' kapaċitajiet Ewropej fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża Ewropea għandu jsegwi żewġ objettivi strateġiċi ewlenin: is-sigurtà fuq il-pjaneta permezz ta' sistemi spazjali fl-orbita mfassla biex jimmonitorjaw il-wiċċ tad-dinja jew biex jipprovdu pożizzjonar, informazzjoni dwar in-navigazzjoni u t-timing jew komunikazzjonijiet bis-satellita u s-sikurezza fl-ispazju extratmosferiku, kif ukoll is-sigurtà spazjali, jiġifieri s-sikurezza fl-orbita u fl-ispazju permezz ta' sistemi terrestri u orbitali ta' għarfien sitwazzjonali;

12.

Jidentifika l-perikli ta' gwerra ċibernetika u theddidiet ibridi għall-programmi Ewropej tal-ispazju, filwaqt li jitqies li l-ispoofing jew l-imblukkar jistgħu jiddisturbaw il-missjonijiet militari jew ikollhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-ħajja ta' kuljum fid-dinja; jemmen li ċ-ċibersigurtà teħtieġ approċċ konġunt mill-UE, l-Istati Membri, u n-negozji u l-ispeċjalisti tal-internet; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tinkludi programmi tal-ispazju fl-attivitajiet tagħha ta' ċibersigurtà;

13.

Iqis li l-koordinazzjoni tas-sistemi spazjali implimentati b'mod frammentat mid-diversi Stati Membri għal diversi ħtiġijiet nazzjonali għandha tissaħħaħ sabiex ikun jista' jiġi antiċipat minnufih it-tfixkil ta' applikazzjonijiet differenti (eż. għall-ATM);

14.

Jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-Istati Membri hija kruċjali għat-titjib tal-kapaċitajiet u s-servizzi Ewropej fil-qasam tal-ispazju; huwa tal-fehma li l-Unjoni, b'mod partikolari l-VP/RGħ, għandha tikkoordina, tiffaċilita u tappoġġa tali kooperazzjoni fil-qasam tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża permezz ta' ċentru ta' koordinazzjoni operazzjonali speċifiku; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-Aġenzija Spazjali Ewropea għandha taqdi rwol importanti fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni ta' politika Ewropea waħdanija dwar l-ispazju li tinkludi l-politika ta' sigurtà u difiża;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta r-riżultati tal-qafas Ewropew ta' kooperazzjoni għar-riċerka dwar is-sigurtà u d-difiża tal-ispazju u jitlob għal rakkomandazzjonijiet dwar kif jista' jiġi żviluppat ulterjorment; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika kif riċerka ċivili-militari taħt Orizzont 2020 serviet fis-settur tal-kapċitajiet spazjali għall-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni;

16.

Jilqa' l-Qafas għall-Appoġġ tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-qafas u l-impatt tiegħu fuq is-sigurtà u d-difiża; jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf pjan direzzjonali ta' implimentazzjoni dwar id-definizzjoni tal-arkitettura prevista;

17.

Jenfasizza l-importanza strateġika li jiġu stimolati l-innovazzjoni u r-riċerka tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża; jirrikonoxxi l-potenzjal sinifikanti tat-teknoloġiji spazjali kritiċi bħas-Sistema Ewropea ta' Relay ta' Data, li tippermetti osservazzjoni tad-dinja f'ħin reali u persistenti, il-varar ta' mega kostellazzjonijiet ta' nanosats u, fl-aħħar nett, il-bini ta' kapaċità reattiva fil-qasam tal-ispazju; jissottolinja l-ħtieġa ta' teknoloġiji innovattivi ta' big data biex jintuża l-potenzjal sħiħ ta' data spazjali għas-sigurtà u d-difiża; jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora dawn it-teknoloġiji fl-Istrateġija Spazjali tagħha għall-Ewropa;

18.

Jitlob għall-iżvilupp ta' diversi inizjattivi diplomatiċi tal-UE f'kwistjonijiet tal-ispazju, kemm bilaterali kif ukoll f'kuntest multilaterali, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-istituzzjonalizzazzjoni tal-ispazju u għaż-żieda fit-trasparenza u fil-miżuri għall-bini ta' fiduċja; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi intensifikata l-ħidma dwar il-promozzjoni ta' kodiċi ta' kondotta internazzjonali għall-attivitajiet fl-ispazju extratmosferiku; iħeġġeġ lis-SEAE jikkunsidra l-komponent spazjali f'negozjati f'oqsma oħra;

19.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu u jiffinalizzaw programmi u inizjattivi konġunti, bħalma huma l-programmi tas-sistema multinazzjonali tal-immaġini mill-ispazju għas-sorveljanza, għat-tkixxif u għall-osservazzjoni, tal-komunikazzjoni governattiva bis-satellita (GOVSATCOM) u tas-sorveljanza u insegwiment fl-ispazju (SST), u biex jiġbru flimkien u jikkondividu fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, u jiddikjara l-appoġġ tiegħu għal tali programmi u inizjattivi konġunti;

20.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-proġett tal-EDA u l-ESA dwar il-komunikazzjoni governattiva bis-satellita (GOVSATCOM), li huwa wieħed mill-programmi ewlenin tal-EDA identifikati mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2013; jappella, f'dan ir-rigward, lill-atturi involuti biex iwaqqfu programm permanenti u biex jużaw il-valur miżjud Ewropew tal-EDA għall-komunikazzjoni satellitari militari ukoll; jilqa' t-tlestija b'suċċess tal-proġett DESIRE I u t-tnedija tal-proġett ta' dimostrazzjoni DESIRE II għall-operazzjoni futura ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS) fi spazju tal-ajru mhux segregat mill-EDA u l-ESA;

21.

iqis li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fir-rigward tal-kapaċitajiet u s-servizzi futuri fil-qasam tal-ispazju għal skopijiet ta' sigurtà u ta' difiża tkun ta' benefiċċju għat-tnejn; iqis li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti hija aktar effiċjenti u kompatibbli meta ż-żewġ partijiet ikunu fuq l-istess livell ta' kapaċità u t-teknoloġija; jistieden kwalunkwe diskrepanza teknoloġika potenzjali tiġi identifikata u indirizzata mill-Kummissjoni; jinnota l-ħidma mwettqa favur it-tielet Strateġija Offset tal-Istati Uniti; iħeġġeġ lill-Unjoni tqis dan l-iżvilupp meta tkun qed tħejji l-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija tagħha u tinkludi l-kapċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża fl-ambitu ta' din l-istrateġija; jemmen li r-relazzjonijiet bilaterali diġà eżistenti bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti jistgħu jintużaw fejn xieraq; jistieden lill-VP/RGħ tiddiskuti mal-ministri tad-difiża dwar l-approċċ strateġiku li għandu jittieħed, u tinforma lill-Parlament hekk kif dan id-dibattitu jkun qed jevolvi;

22.

Jemmen li l-UE għandha tkompli tiffaċilita l-istabbiliment ta' Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali għall-attivitajiet fl-ispazju extratmosferiku, bil-għan li tiġi protetta l-infrastruttura spazjali filwaqt li jiġi evitat li l-ispazju jimtela bl-armamenti; iqis li l-iżvilupp tal-programm għall-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali (SSA) hija vitali għal dan; jitlob lill-Unjoni taħdem għal dan il-għan f'kooperazzjoni mal-Kumitat tan-NU dwar l-użi paċifiċi tal-ispazju extratmosferiku u ma' imsieħba oħra rilevanti;

23.

Ifakkar fil-ħtieġa ta' kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-UE u n-NATO fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għandha tkopri l-bini ta' reżiljenza miż-żewġ korpi, id f'id mal-ġirien tal-UE, kif ukoll l-investiment fid-difiża; iqis li l-kooperazzjoni dwar il-kapaċitajiet u s-servizzi fil-qasam tal-ispazju toffri prospetti għal kompatibbiltà u sinerġija aħjar bejn iż-żewġ oqfsa; hu konvint li dan għandu jsaħħaħ ukoll ir-rwol tan-NATO fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża u fid-difiża kollettiva;

24.

Jindika, madankollu, li l-UE għandha tkompli tipprova tiżgura sal-aktar grad possibbli l-awtonomija tal-ispazju u dik militari; jindika li, fit-tul, l-UE jrid ikollha l-istrumenti proprji tagħha li jistabbilixxu Unjoni ta' Difiża;

25.

Iqis li l-protezzjoni ta' kapaċitajiet u servizzi fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża kontra attakki ċibernetiċi, theddid fiżiku, debris jew interferenzi oħra ta' ħsara tista' toffri prospetti għal kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO li tirriżulta fl-infrastruttura teknoloġika meħtieġa biex tiżgura r-riżorsi, minħabba li, fil-każ kuntrarju, ikun hemm ċans li l-investimenti fl-infrastrutturi spazjali Ewropea, li jiswew biljuni ta' flus tal-kontribwenti, jinħlew; jirrikonoxxi l-użu tas-satelliti kummerċjali għat-telekomunikazzjonijiet u l-użu dejjem jikber tagħhom għal skopijiet militari jpoġġuhom f'riskju ta' attakk; jistieden lir-RGħ/VP iżżomm lill-Parlament infurmat dwar kif qed tevolvi l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO f'dan il-qasam;

26.

Iqis li l-programmi ċivili tal-UE fil-qasam tal-ispazju jipprovdu firxa ta' kapaċitajiet u servizzi li huma ta' użu potenzjali f'bosta setturi, inklużi l-istadji li jmiss tal-evoluzzjoni tas-sistemi Copernicus u Galileo; jinnota l-ħtieġa li jitqies mill-ewwel kwalunkwe tħassib relatat mad-difiża u s-sigurtà; iqis li l-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali / it-temp fl-ispazju, il-komunikazzjoni bis-satellita, l-intelligence elettroniku u t-twissija bikrija huma oqsma li jistgħu jibbenefikaw minn aktar kooperazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati, u investiment kontinwu ta' appoġġ ulterjuri fil-livell tal-UE permezz ta', u bl-appoġġ ta', aġenziji fl-oqsma tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża;

27.

Jinnota l-importanza tas-servizz pubbliku regolat ta' Galileo (PRS) għan-navigazzjoni u għall-iggwidar tas-sistemi militari; jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri tal-UE biex iżidu l-isforzi tagħhom rigward ir-reviżjoni possibbli tat-Trattat tal-1967 dwar l-ispazju extratmosferiku jew biex jagħtu bidu għal qafas regolatorju ġdid li jqis il-progress teknoloġiku li sar mis-sittinijiet s'issa u li jkollu l-għan li jipprevjeni tellieqa tal-armi fl-ispazju;

28.

Jinnota li t-trasparenza u s-sensibilizzazzjoni pubblika effikaċi tal-Ewropej għall-applikazzjonijiet tal-programmi tal-ispazju tal-UE li għandhom impatt dirett fuq l-utenti, bħalma huma Galileo u Copernicus, huma kruċjali għas-suċċess tal-programmi; jaħseb li dawn il-programmi jistgħu jintużaw biex tiżdied l-effikaċja fit-tfassil ta' strateġiji u fl-operazzjonijiet, fil-qafas tal-PSDK; jinkoraġġixxi l-identifikazzjoni u l-iżvilupp tal-bżonnijiet ta' kapaċitajiet li jtejbu s-sigurtà u d-difiża għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' sistemi Galileo u Copernicus;

29.

Jindika l-eżistenza tas-Servizz Pubbliku Regolat (PRS) tal-Galileo, li huwa limitat għal utenti awtorizzati mill-gvern u huwa adatt għal applikazzjonijiet sensittivi fejn iridu jiġu żgurati r-robustezza u l-affidabbiltà sħiħa; iqis li l-kapaċità tal-PRS għandha tiġi żviluppata ulterjorment fil-ġenerazzjonijiet li jmiss b'rispons għat-theddid li jevolvi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proċeduri operattivi jkunu effiċjenti kemm jista' jkun, b'mod partikolari f'każ ta' kriżi; jenfasizza l-ħtieġa li jibqgħu jiġu żviluppati u promossi applikazzjonijiet ibbażati fuq il-kapaċitajiet ta' Galileo, inklużi dawk meħtieġa għall-PSDK, sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji soċjoekonomiċi; ifakkar, barra minn hekk, il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sigurtà tal-infrastruttura ta' Galileo, inkluż is-segment terrestri, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa f'din id-direzzjoni b'kooperazzjoni mal-Istati Membri;

30.

Jissottolinja l-livell għoli ta' sigurtà għas-sistemi GNSS tal-UE; jenfasizza l-eżekuzzjoni b'suċċess tal-kompiti assenjati lill-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, b'mod partikolari permezz tal-Bord ta' Akkreditament ta' Sigurtà u taċ-Ċentri ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo; jitlob, f'dan ir-rigward, li jsir użu mill-għarfien espert u l-infrastruttura tas-sigurtà tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, anke għal Copernicus; jitlob li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fir-rieżami ta' nofs it-terminu ta' Galileo u ta' Copernicus;

31.

Jinnota, b'mod partikolari, il-ħtieġa operattiva ta' data ta' osservazzjoni tad-dinja b'riżoluzzjoni għolja ħafna fil-programm Copernicus u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif din il-ħtieġa tista' tiġi ssodisfata, b'kont meħud tar-rekwiżiti tal-PSDK; jenfasizza żviluppi bħall-osservazzjoni kważi f'ħin reali u l-video-streaming mill-ispazju, u jirrakkomanda lill-Kummissjoni tinvestiga kif tista' tieħu vantaġġ minn dawn, anke għal skopijiet ta' sigurtà u ta' difiża; ifakkar, barra minn hekk, fil-ħtieġa li tissaħħaħ is-sigurtà tal-infrastruttura ta' Copernicus, inkluż is-segment terrestri, u s-sigurtà tad-data, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa f'din id-direzzjoni b'kooperazzjoni mal-Istati Membri; jirrimarka, barra minn hekk, dwar l-importanza li jitqies kif l-industrija tista' tiġi involuta fil-ġestjoni tal-operazzjonijiet ta' Copernicus;

32.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jittejjeb il-proċess ta' tixrid ta' informazzjoni mis-satelliti għall-utenti, inkluż billi tinbena l-infrastruttura teknoloġika meħtieġa; jinnota l-fatt imsemmi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li 60 % tat-tagħmir elettroniku abbord is-satelliti Ewropej huma attwalment importati mill-Istati Uniti; jitlob inizjattiva dwar kif tista' tiġi mħarsa data sensittiva jew personali f'dan il-kuntest;

33.

Jilqa' x-xogħol li qed isir sabiex l-UE tiġi pprovduta b'aċċess awtonomu għall-komunikazzjonijiet governattivi bis-satellita (GovSatcom) u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħmel progress rigward dan il-fajl; ifakkar li l-ewwel pass fil-proċess kien l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ċivili u militari mill-Kummissjoni u mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, rispettivament, u jqis li l-inizjattiva għandha tinvolvi l-ġbir flimkien tad-domanda u għandha titfassal b'mod li jissodisfa l-ħtiġijiet identifikati bl-aħjar mod; jistieden lill-Kummissjoni, abbażi tal-ħtiġijiet u tar-rekwiżiti tal-benefiċjarji, twettaq evalwazzjoni tal-kostijiet u tal-benefiċċji għal soluzzjonijiet differenti:

il-forniment ta' servizzi minn operaturi kummerċjali,

sistema li tiddependi fuq il-kapaċitajiet attwali bil-possibbiltà li jiġu integrati l-kapaċitajiet futuri, jew

il-ħolqien ta' kapaċitajiet ġodda permezz ta' sistema dedikata;

jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tas-sjieda u r-responsabbiltà; jinnota li, tkun xi tkun id-deċiżjoni finali, kwalunkwe inizjattiva ġdida għandha tkun fl-interess pubbliku u ta' benefiċċju għall-industrija Ewropea (manifatturi, operaturi, lanċaturi u oqsma oħra tal-industrija); iqis li l-GovSatcom għandha titqies ukoll bħala opportunità biex tingħata spinta lill-kompetittività u lill-innovazzjoni billi jittieħed vantaġġ mill-iżvilupp ta' teknoloġiji b'użu doppju, fil-kuntest estremament kompetittiv u dinamiku tas-suq tas-SATCOM; jissottolinja l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza fuq fornituri ta' tagħmir u servizzi minn barra l-UE;

34.

Jinnota l-iżvilupp tas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju (SST) bħala inizjattiva tajba fil-kooperazzjoni dwar l-ispazju u pass lejn is-sigurtà fl-ispazju; jitlob li l-iżvilupp ulterjuri tal-kapaċitajiet SST ikunu prijorità għall-Unjoni għall-protezzjoni tal-ekonomija, tas-soċjetà u tas-sikurezza taċ-ċittadini u fil-qasam tal-kapċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża Ewropea; iqis li l-SST għandu jsir programm tal-UE b'baġit għalih filwaqt li jiġi żgurat li l-fondi għal proġetti li għadhom għaddejjin ma jkunux b'hekk imnaqqsa; jemmen, barra minn hekk, li l-UE għandha tiżviluppa kapaċità aktar olistika għall-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali (SSA), b'kapaċitajiet ta' previżjoni akbar, li jinvolvu s-sorveljanza tal-ispazju u l-analiżi u l-valutazzjoni ta' theddid u perikli potenzjali għall-attivitajiet spazjali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tibni fuq l-SST, billi tiżviluppa kunċett ta' SSA usa' li jindirizza wkoll theddid intenzjonali lis-sistemi spazjali u, b'kooperazzoni mal-ESA, tieħu kont tat-temp fl-ispazju u ta' oġġetti qrib id-dinja u l-ħtieġa għal riċerka dwar sistemi teknoloġiċi għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tad-debris fl-ispazju; jemmen li koordinazzjoni olistika tal-attivitajiet spazjali għandha tinkiseb mingħajr ma tixxekkel il-libertà li jintuża l-ispazju; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li s-settur privat jitħalla jaqdi rwol importanti fl-iżvilupp ulterjuri u ż-żamma tal-parti mhux sensittiva tas-sistema SST, li għaliha l-istruttura ta' governanza b'żewġ livelli ta' Galileo tista' sservi ta' eżempju;

35.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki u kapaċitajiet ta' riċerka sabiex jiġu pprovduti applikazzjonijiet futuri u tiġi żviluppata industrija Ewropea kompetittiva, li kapaċi jkollha suċċess kummerċjali msejjes fuq ambjent ekonomiku f'saħħtu; jinnota l-importanza dejjem akbar ta' entitajiet privati fis-suq tal-ispazju; jissottolinja l-ħtieġa għal, u l-benefiċċji ta', l-involviment tal-SMEs fil-proċessi ta' riċerka, żvilupp u produzzjoni relatati mat-teknoloġiji spazjali, b'mod partikolari dawk li huma rilevanti biex tiġi żgurata s-sigurtà; jibqa' kawt rigward ir-riskji relatati ma' inizjattivi privati mhux regolati b'implikazzjoni għas-sigurtà u d-difiża; jenfasizza li l-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji jista' jvarja minn settur għal ieħor ta' attivitajiet spazjali, u għalhekk jeħtieġ li jiġi vvalutat fuq bażi ta' każ b'każ, b'mod partikolari fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tagħha f'termini ta' sovranità u awtonomija strateġika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jipprovdu l-mezzi meħtieġa biex jillimitaw dawn ir-riskji;

36.

Jenfasizza li fejn l-ispazju hu konċernat, u minħabba l-importanza strateġika tiegħu, il-fokus tal-isforzi fl-investiment għandhom ikunu fuq l-investiment fis-settur pubbliku; huwa tal-fehma li l-ispejjeż għoljin għall-iżvilupp ta' programmi u ta' infrastruttura fil-qasam tal-ispazju ifissru li l-uniku mod biex tiġi żgurata l-vijabbiltà ta' dawn il-proġetti huwa permezz ta' sforzi deċiżivi tas-settur pubbliku biex jidderieġu inizjattivi privati;

37.

Jindika, fir-rigward tal-finanzjament futur tal-programmi tal-ispazju Ewropej, li wieħed jiddetermina meta jista' jkun possibbli li jintużaw forom ta' sħubija pubblika-privata.

38.

Jindika li l-oqfsa regolatorji u l-politiki korretti jridu jiġu stabbiliti sabiex l-industrija tingħata aktar impetu u inċentivi biex tikseb żvilupp teknoloġiku u twettaq riċerka dwar il-kapċitajiet spazjali; jitlob li jiġi żgurat il-finanzjament meħtieġ għal riċerka relatata mal-ispazju fl-oqsma msemmija hawn fuq; jinnota r-rwol importanti li Orizzont 2020 jista' jaqdi biex l-UE tkun tista' tnaqqas id-dipendenza tagħha f'termini ta' teknoloġiji spazjali kritiċi; ifakkar, f'dak ir-rigward, li l-parti dwar l-ispazju ta' Orizzont 2020 taqa' taħt il-prijorità “Tmexxija industrijali”, u b'mod partikolari fi ħdan l-objettiv speċifiku ta' “Tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali”; huwa tal-fehma, għalhekk, li Orizzont 2020 għandu jintuża biex jappoġġa l-bażi tat-teknoloġija spazjali u l-kapaċitajiet industrijali tal-Ewropa fil-qasam tal-ispazju; jistieden lill-Kummissjoni tiddisponi b'mod suffiċjenti għal teknoloġiji spazjali kritiċi għas-sigurtà u d-difiża matul ir-rieżami ta' nofs it-terminu ta' Orizzont 2020;

39.

Jemmen li l-UE tista' taqdi rwol biex il-kapaċitajiet u s-servizzi fil-qasam tal-ispazju Ewropej isiru aktar b'saħħithom, reżiljenti u flessibbli; huwa konvint li kapaċità ta' reazzjoni rapida biex jinbidlu jew jiġu rristorati assi bil-ħsara jew li ddeterjoraw fl-ispazju waqt kriżi għandha tiġi żviluppata b'mod effikaċi permezz ta' sħubijiet bejn diversi Stati, inkluż fil-livell Ewropew; ifaħħar tax-xogħol tal-ESA fl-iżvilupp ta' programm għall-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali (SSA) biex jidentifika u jbassar id-debris fl-ispazju jew kolliżjoni bejn satelliti; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li, minħabba n-numru dejjem akbar ta' satelliti u debris fl-ispazju, jitnaqqas ir-riskju ta' kolliżjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ikomplu l-iffinanzjar ta' din il-kapaċità wara l-2016; jilqa', għalhekk, l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar sistema Ewropea ta' sorveljanza spazjali u ta' traċċar (SST), li tiggarantixxi l-awtonomija tal-UE fl-ispazju; jistaqsi jekk humiex fis-seħħ strutturi ta' governanza xierqa għall-ġestjoni tal-PRS u ta' infrastruttura spazjali ewlenija oħra fil-każ ta' attakk armat jew ta' kriżi kbira ta' sigurtà oħra;

40.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-aġenziji Ewropej fl-oqsma tal-ispazju, tas-sigurtà u d-difiża jingħaqdu flimkien biex jiżviluppaw White Paper dwar ir-rekwiżiti ta' taħriġ vis-à-vis l-użu ta' kapaċitajiet u servizzi fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża; huwa tal-fehma li għandhom jiġu mobilizzati r-riżorsi tal-UE għal korsijiet pilota f'dawk l-oqsma li għalihom l-Istati Membri u l-aġenziji kompetenti Ewropej identifikaw bżonn imminenti;

41.

Jemmen li appoġġ finanzjarju u politiku ulterjuri għall-iżvilupp u għall-użu ta' lanċaturi tal-UE u tal-Programm għad-Dimostratur Riutilizzabbli f'Orbita fl-Ewropa (PRIDE) huwa ta' importanza strateġika, minħabba li d-dimostratur huwa aktar kosteffikaċi u jipprovdi l-indipendenza fl-aċċess għall-ispazju, kif ukoll pjan għall-ġestjoni ta' kriżi fl-ispazju;

42.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fl-ispiża tal-programmi Copernicus u Galileo ferm aktar mill-ammont inizjali tal-allokazzjonijiet baġitarji; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal aktar żvilupp tal-kapaċitajiet tal-UE fil-qasam tal-ispazju, filwaqt li jappella għal ġestjoni xierqa tar-riżorsi finanzjarji;

43.

Jistieden lil dawk l-Istati Membri li ma rratifikawx it-Trattat dwar l-ispazju extratmosferiku li jagħmlu dan, minħabba l-importanza tiegħu fil-ħarsien tal-liġi fl-ispazju;

44.

Jilqa' l-proċess u l-pjanijiet għall-iżvilupp tal-lanċaturi Ewropej il-ġodda, Ariane 6 u VEGA, u jikkunsidra l-iżvilupp ta' dawn il-lanċaturi bħala kruċjali għall-vijabbiltà fit-tul u għall-indipendenza tal-programmi Ewropej fil-qasam tal-ispazju li jservu għall-finijiet ta' difiża u sigurtà; huwa tal-fehma soda li ż-żamma tal-pożizzjoni predominanti tal-lanċaturi Ewropej għandha tkun għan strateġiku Ewropew fi żmien meta qed joħorġu kompetituri ġodda li huma appoġġati minn mudelli ta' finanzjament kompetittivi ħafna; iqis li, sabiex jintlaħaq dan il-għan, irid isir tibdil xieraq fl-istruttura, fil-leġiżlazzjoni u fil-finanzjament sabiex jitrawwem l-iżvilupp ta' proġetti innovattivi u kompetittivi fil-livell Ewropew; jirrakkomanda, fost affarijiet oħra, l-innovazzjoni u l-użu mill-ġdid ta' komponenti, peress li dan jirrappreżenta pass sinifikanti 'l quddiem f'termini kemm ta' effiċjenza u sostenibbiltà; jemmen li l-UE għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-impatt ta' ċerti proġetti li jikkonċernaw l-indipendenza tal-UE, bħalma huma l-kooperazzjoni mar-Russja f'oqsma sensittivi bħall-illanċjar ta' satelliti permezz ta' rokits Soyuz;

45.

Jinnota l-importanza strateġika tal-aċċess indipendenti għall-ispazju u l-ħtieġa għall-azzjoni tal-UE ddedikata, anke fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża, peress li din il-kapaċità se tippermetti lill-Ewropa tikseb aċċess għall-ispazju f'każ ta' kriżi; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kollaborazzjoni mal-ESA u l-Istati Membri:

tikkoordina, taqsam u tiżviluppa proġetti spazjali ppjanati u swieq Ewropej, sabiex l-industrija Ewropea tkun tista' tantiċipa d-domanda (biex b'hekk tingħata spinta lill-impjiegi u l-industrija bbażata fl-Ewropa) u tiġġenera wkoll id-domanda tagħha f'termini ta' utilizzazzjoni xprunata min-negozju;

tappoġġa l-infrastruttura tal-illanċjar, u

tippromwovi r-R&Ż, inkluż permezz tal-istrument ta' sħubijiet pubbliċi-privati, b'mod partikolari f'teknoloġiji innovattivi;

iqis li dawn l-isforzi huma meħtieġa biex l-Ewropa tkun tista' tikkompeti fis-suq globali tal-illanċjar; iqis, barra minn hekk, li l-UE trid tiżgura li jkollha bażi tat-teknoloġija spazjali soda u l-kapaċitajiet industrijali meħtieġa li jippermettulha tfassal, tiżviluppa, tillanċja, topera u tisfrutta sistemi spazjali, li jvarjaw minn awtonomija teknoloġika u ċibersigurtà għal kunsiderazzjonijiet min-naħa tal-provvista;

46.

Iqis li l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-atturi kollha tat-teknoloġija u tal-katini ta' provvista tal-għarfien biex idawru l-attenzjoni tagħhom lejn kapaċitajiet u servizzi fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża, u għandha tippromwovi l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet innovattivi u ta' ideat kummerċjali ġodda f'dan il-qasam, b'enfasi partikolari fuq kumpaniji żgħar u ta' daqs medju u fuq l-iżvilupp tal-intraprenditorija f'dan is-settur; jinnota li hemm bżonn ta' investiment finanzjarju kontinwu biex jiġu sostnuti r-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku; jemmen bis-sħiħ li s-settur pubbliku għandu jipprovdi inċentivi għall-ħolqien ta' inkubaturi speċjalizzati u ta' fondi maħsubin biex jipprovdu finanzjament għal negozji ġodda innovattivi, sabiex jiġi żgurat li l-ispejjeż għoljin ta' riċerka spazjali ma jfixklux l-iżvilupp ta' proġetti innovattivi; jitlob li jkun hemm pjan għall-użu ta' teknoloġiji spazjali b'użu doppju fil-qasam tal-ispazju, bil-għan li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' industrija tad-difiża Ewropea u għal aktar kompetizzjoni;

47.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġati l-isforzi diretti lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni Ewropea fis-settur ħalli jingħeleb il-livell għoli ta' frammentazzjoni, speċjalment fir-rigward tad-domanda istituzzjonali; huwa konvint li l-industrija spazjali Ewropea tista' tkun kompetittiva fuq livell internazzjonali biss jekk tkun aktar kosteffikaċi, trasparenti u konsolidata; jenfasizza li l-politika industrijali spazjali Ewropea għandha tiġi żviluppata ulterjorment b'koordinazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) biex tiġi żgurata l-komplementarjetà;

48.

Ifakkar li sabiex tinżamm u tissaħħaħ is-sigurtà, id-difiża u l-istabbiltà tal-Ewropa huwa importanti li tiġi evitata l-esportazzjoni ta' teknoloġija spazjali sensittiva lejn pajjiżi li jipperikolaw is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali jew globali, titwettaq politika barranija aggressiva, direttament jew indirettament jiġi appoġġat it-terroriżmu jew joħonqu n-nies tagħhom internament; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli, lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni jiżguraw li t-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u r-regoli tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 dwar l-Użu Doppju qed jiġu rispettati b'mod sħiħ f'dak li jirrigwarda l-esportazzjoni ta' teknoloġija sensittiva relatata mal-ispazju;

49.

Jenfasizza l-ħtieġa għall-koordinazzjoni aħjar tal-kapċitajiet spazjali tal-UE, billi jiġu żviluppati l-arkitetturi tas-sistema u l-proċeduri meħtieġa sabiex jiġi żgurat livell proporzjonat ta' sigurtà, inkluża s-sigurtà tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tfassal u tippromwovi mudell ta' governanza għal kull sistema li tipprovdi servizzi relatati mas-sigurtà u d-difiża; iqis li, sabiex jiġi pprovdut servizz integrat lill-utenti aħħarin, il-kapċitajiet spazjali tal-UE ddedikati għas-sigurtà u d-difiża għandhom jiġu ġestiti minn ċentru ta' servizz ta' koordinazzjoni operazzjonali (Ċentru ta' Kmand u Kontroll kif imsejjaħ fil-Programm ta' Ħidma 2014-2015 ta' Orizzont 2020); iqis li, għal raġunijiet ta' kosteffikaċja, dan għandu, jekk ikun possibbli, jiġi inkorporat f'wieħed mill-korpi eżistenti tal-UE, bħall-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, iċ-Ċentru Satellitari tal-UE jew l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea, filwaqt li jittieħed kont tal-kapaċitajiet diġà offruti minn dawk l-aġenziji;

50.

Iqis li l-ħolqien ta' qafas legali fit-tul li jippermetti investimenti sostnuti fil-livell tal-UE jista' jrawwem kapaċitajiet ta' sigurtà u ta' difiża Ewropea akbar u aktar sistematiċi fil-qasam tad-difiża bil-għan li jkun hemm kooperazzjoni li twassal għal kapaċitajiet ewlenin; jinnota, għalhekk, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2015; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni sabiex jiżviluppaw il-qafas meħtieġ għal finanzjament fil-livell tal-UE;

51.

Jinnota li l-industrija spazjali Ewropea hija kkonċentrata ħafna, bi grad għoli ta' integrazzjoni vertikali fejn erba' kumpaniji huma responsabbli għal aktar minn 70 % tal-esportazzjonijiet totali tal-UE u 90 % tal-impjiegi tal-manifattura Ewropea fil-qasam tal-ispazju huma f'sitt pajjiżi; jenfasizza li l-potenzjal ta' pajjiżi b'rekord tajjeb ta' applikazzjonijiet għal brevetti ta' teknoloġija għolja iżda li m'għandhomx tradizzjoni ta' attivitajiet spazjali m'għandux jiġi injorat, u jistieden għal politiki li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fil-qasam tal-ispazju Ewropew, b'mod partikolari bl-użu tal-għodod tal-programm “Orizzont 2020”;

52.

Jemmen li r-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tat-teknoloġija u tas-servizzi spazjali għandhom jissaħħu f'qafas konsistenti ta' politika tal-UE;

53.

Hu tal-fehma li White Paper dwar is-sigurtà u d-difiża fil-livell tal-UE tkun il-mezz xieraq ta' kif jiġi strutturat l-involviment futur tal-UE fil-kapaċitajiet ta' sigurtà u ta' difiża fil-qasam tal-ispazju; jistieden lir-RGħ/VP biex tniedi dibattitu dwar id-definizzjoni tal-livell ta' ambizzjoni tal-UE fl-oqsma koinċidenti tal-kapċitajiet spazjali u tas-sigurtà u d-difiża; hu tal-fehma li dan ikun jista' jippermetti wkoll żvilupp koerenti fl-oqsma ta' kapaċità kollha fir-rigward taż-żamma tal-paċi, tal-prevenzjoni tal-konflitti u tat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, skont il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; jistieden lill-Kummissjoni tfassal Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża futur dwar il-pjanijiet tagħha tal-attivitajiet spazjali f'appoġġ għas-sigurtà u d-difiża; jirrikonoxxi, fl-istess ħin, il-benefiċċji ta' kooperazzjoni internazzjonali b'rabta mal-qasam tas-sigurtà mal-imsieħba affidabbli tal-UE fil-qasam tal-ispazju;

54.

Ifakkar li d-debris fl-ispazju jikkostitwixxi problema li qed tikber għas-sigurtà spazjali, u jistieden lill-UE tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji attivi għat-tneħħija ta' debris (ADR); iħeġġeġ lill-UE tinvesti fit-twaqqif ta' ftehim internazzjonali li jipprovdi definizzjoni legali ta' debris fl-ispazju, li jistabbilixxi regoli u regolamenti dwar it-tneħħija tiegħu, u biex jiġu ċċarati kwistjonijiet ta' responsabbiltà; jenfasizza l-ħtieġa għal titjib tal-mekkaniżmu ta' għarfien tas-sitwazzjoni spazjali globali, u jappella biex is-sistema SSA Ewropea tkun marbuta ma' sħab bħall-Istati Uniti, u għal aktar miżuri ta' bini ta' fiduċja u ta' skambju ta' informazzjoni ma' kontropartijiet oħra;

55.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, id-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Spazjali Ewropea, u lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU L 122, 24.4.2014, p. 44.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1.

(3)  ĠU L 158, 27.5.2014, p. 227.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/95


P8_TA(2016)0268

L-iżvilupp tas-suq spazjali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-iżvilupp tas-suq spazjali (2016/2731(RSP))

(2018/C 086/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 189 tat-Titolu XIX tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Frar 2013 intitolata “Il-Politika Industrijali Spazjali tal-UE” (COM(2013)0108),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' April 2011 intitolata “Lejn strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini” (COM(2011)0152),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 intitolata “Inizjattiva tal-Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa” (COM(2016)0178),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-14 ta' Ġunju 2010 intitolata “Pjan ta' Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS)” (COM(2010)0308),

Regolament (UE) Nru 512/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 912/2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 377/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 911/2010 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta' strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112 u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (6),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u d-“Dikjarazzjoni ta' Amsterdam” Ministerjali tal-14 ta' April 2016 dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sewqan konness u awtomatizzat,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar kapaċitajiet fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża Ewropea (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Industrijali Spazjali tal-UE, ir-rilaxx tal-Potenzjal għat-Tkabbir fis-Settur Spazjali (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2012 dwar strateġija tal-Ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar applikazzjonijiet għat-trasport tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita – il-politika tal-UE għal perjodu qasir u medju ta' żmien (10),

wara li kkunsidra l-istudju ta' Jannar 2016 dwar l-Iżvilupp tas-Suq Spazjali fl-Ewropa (11),

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-attivitajiet spazjali tal-UE huma ta' importanza ewlenija għal progress xjentifiku u tekniku, l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività industrijali, il-koeżjoni soċjali, il-ħolqien ta' impjiegi b'ħiliet u ta' intrapriżi, u opportunitajiet ġodda kemm fis-swieq upstream u dawk downstream;

B.

billi n-navigazzjoni bis-satellita, l-osservazzjoni tad-Dinja (EO) u s-servizzi ta' komunikazzjoni bis-satellita jistgħu jagħtu kontribut essenzjali lejn l-implimentazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' politiki tal-Unjoni; billi ċ-ċittadini Ewropej jistgħu jibbenefikaw b'mod sinifikanti min-navigazzjoni bis-satellita u s-servizzi tal-EO;

C.

billi l-implimentazzjoni ta' programmi ewlenin spazjali turi l-valur miżjud tal-kooperazzjoni fil-livell tal-UE; billi l-UE għad m'għandhiex politika spazjali integrata u koerenti;

D.

billi l-aċċess awtonomu għall-ispazju huwa ta' importanza strateġika għall-UE; billi l-informazzjoni affidabbli u preċiża ħafna dwar l-ippożizzjonar u l-ittajmjar huma fundamentali għat-tisħiħ tal-awtonomija Ewropea u billi l-programmi GNSS Ewropea u Copernicus għandhom approċċ innovattiv uniku lejn l-implimentazzjoni teknoloġika; billi l-Unjoni ser tinvesti iktar minn EUR 11-il biljun fl-infrastruttura tagħhom għall-perjodu sal-2020;

E.

billi l-European Geostationary Navigation Overlay Service (EGNOS), li jżid fuq is-sinjali tal-GPS, diġà huwa operattiv u l-Galileo dalwaqt se jniedi s-servizzi inizjali tiegħu; billi Copernicus huwa operattiv, u s-servizzi ewlenin tiegħu huma diġà disponibbli għall-utenti u d-data hija liberament aċċessibbli mad-dinja kollha;

F.

billi t-teknoloġiji żviluppati fil-qafas tar-riċerka spazjali jwasslu għal livell għoli ta' arrikkiment trasversali ta' ideat u effetti multiplikaturi f'oqsma oħra ta' politika;

G.

billi l-konnessjoni tal-infrastruttura eżistenti fl-oqsma tal-ħżin ta' data, netwerking u informatika ta' prestazzjoni għolja fl-Ewropa hija neċessarja biex tiġi żviluppata l-kapaċità li jiġu pproċessati u maħżuna volumi kbar ta' data satellitari, u għalhekk huwa importanti li tiġi ffaċilitata industrija downstream EO Ewropea b'saħħitha u kompetittiva;

H.

billi fl-għoxrin sena li ġejjin, il-GNSS Ewropea hija mistennija li tiġġenera benefiċċji ekonomiċi u soċjali ta' valur ta' bejn EUR 60 u 90 biljun; billi l-potenzjal tal-fatturat annwali tas-suq tas-servizzi downstream EO li għandu jintlaħaq sal-2030 huwa stmat għal madwar EUR 2,8 biljun, li minnu aktar minn 90 % għandu jirriżulta minn Copernicus;

I.

billi l-adozzjoni ta' applikazzjonijiet u servizzi downstream ibbażati fuq data spazjali s'issa ma laħqitx l-aspettattivi; billi sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq ta' data spazjali, kemm id-domanda pubblika kif ukoll dik privata jeħtieġ li jiġu stimulati u jeħtieġ li tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq u kwalunkwe ostaklu tekniku, leġiżlattiv u ostakli oħrajn għall-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tal-prodotti u s-servizzi relatati mal-ispazju;

J.

billi l-Kummissjoni ħabbret fil-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2016, l-intenzjoni li tippreżenta “Strateġija Spazjali għall-Ewropa” u nediet konsultazzjoni pubblika f'April 2016; billi din ir-Riżoluzzjoni ser tagħti kontribut lill-istrateġija;

L-istrateġija spazjali u l-iżvilupp tas-suq

1.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija komprensiva, ambizzjuża u li tħares 'il quddiem, li tiżgura, fi żmien qasir, medju u fit-tul, pożizzjoni ta' tmexxija għall-Ewropa f'teknoloġiji u servizzi spazjali fis-swieq globali, li tiżgura aċċess indipendenti għall-ispazju għall-Ewropa u li tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-industrija spazjali Ewropea;

2.

Jemmen li waħda mill-elementi prinċipali tal-istrateġija għandha tkun l-adozzjoni mis-suq ta' data, servizzi u applikazzjonijiet spazjali, sabiex jiġu mmassimizzati l-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-programmi spazjali tal-UE;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal qafas ta' politika industrijali spazjali Ewropea ċara bħala parti mill-istrateġija li jmiss;

4.

Jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp futur tal-programmi spazjali tal-UE għandu jkun orjentat lejn l-utent u mmexxi mill-ħtiġijiet tal-utenti pubbliċi, privati u xjentifiċi;

5.

Jirrikonoxxi li l-firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati involuti fl-implimentazzjoni tal-Politika Spazjali Ewropea, b'mod partikolari l-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea GNSS (GSA), l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), fornituri ta' servizzi ta' Copernicus (Eumetsat, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, l-Aġenzija Frontex, iċ-Ċentru Ewropew għat-Tbassir tat-Temp fuq Medda-Medja, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Mercator Ocean), l-Istati Membri u l-industrija; iħeġġiġhom ikomplu jrawmu l-kooperazzjoni tagħhom, jiġifieri bejn l-UE u l-ESA; jistieden lill-Kummissjoni biex ikollha rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-industrija Ewropea biex ittejjeb l-aċċess għad-data, l-iżvilupp tas-suq u l-kompetittività fis-suq globali;

6.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' struttura istituzzjonali simplifikata għall-attivitajiet spazjali tal-UE biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni mill-utenti, kemm pubblika kif ukoll privata; jitlob lill-Kummissjoni tindirizza din il-ħtieġa fl-istrateġija tagħha u tipproponi definizzjonijiet ċari tar-rwoli tal-atturi differenti;

7.

Jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni reġjonali; jappoġġja involviment ikbar tal-awtoritajiet reġjonali u lokali f'politika spazjali tal-UE ta' suċċess; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu kkoordinati inizjattivi lokali fil-livell nazzjonali biex tiġi evitata duplikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;

Ostakli tekniċi

8.

Jilqa' l-progress li sar fir-rigward taż-żewġ programmi ewlenin spazjali, Galileo u Copernicus; jemmen li għandhom jitqiesu bħala programmi komplementari u li għandhom jiġu inkoraġġuti sinerġiji ulterjuri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrispetta l-iskeda taż-żmien u tiżgura l-operat sħiħ u rapidu tal-infrastruttura spazjali u tal-art u servizzi pprovduti miż-żewġ programmi ewlenin; jemmen li, l-evitar ta' dewmien ulterjuri huwa ta' importanza ewlenija biex tinżamm il-fiduċja tas-settur privat; itenni l-opportunitajiet fis-suq globali tal-GNSS Ewropea marbuta mal-estensjoni tal-kopertura EGNOS fix-Xlokk u fil-Lvant tal-Ewropa, fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani;

9.

Jappoġġja l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet integrati li jużaw kemm l-EGNOS/Galileo u Copernicus;

10.

Iqis li t-tixrid ta' data ta' Copernicus huwa frammentat wisq u li l-approċċ tal-UE huwa essenzjali sabiex l-industrija Ewropea tieħu vantaġġ minnu; jenfasizza l-fatt li aċċess aħjar għal data tal-Copernicus EO huwa prekundizzjoni għall-iżvilupp ta' settur ta' industrija downstream b'saħħtu; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa ta' aċċess aktar mgħaġġel għal settijiet kbar ta' data tal-EO, bħalma huma s-serje tal-ħin;

11.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li d-data tal-Copernicus tkun disponibbli fuq pjattaformi tal-ICT indipendenti, li jippermettu ħżin, ġestjoni, ipproċessar ta' big data u aċċess faċli għaliha, u tagħmilha aktar faċli biex jiġu integrati settijiet ta' data minn kemm jista' jkun sorsi u tressaqhom viċin l-utent; jemmen li dawn il-pjattaformi għandhom:

jiġbru d-domanda, fejn b'hekk jgħinu biex tingħeleb il-frammentazzjoni attwali u joħolqu suq tad-data tal-EO intern mingħajr il-ħtieġa ta' miżuri regolatorji;

jiggarantixxu aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju għall-utenti;

jippermettu lill-industrija tforni kwalunkwe servizz li jqisu xieraq permezz tal-pjattaformi;

ikunu kumplimentari ma' sforzi oħra mill-Istati Membri, l-ESA, l-industrija u l-Cloud tax-Xjenza Miftuħa (Open Science Cloud);

12.

Jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u l-ESA dwar il-ħolqien ta' sistema ta' infrastruttura integrata b'mod xieraq, b'livelli adegwati ta' sigurtà tad-data;

13.

Jenfasizza l-fatt li, mingħajr chipsets u riċevituri abilitati għall-Galileo, id-dħul fis-suq tal-Galileo se jkun imxekkel b'mod serju; jilqa', għalhekk, l-ammont allokat fil-baġit tal-GNSS Ewropea għall-programm ta' finanzjament “Elementi Fundamentali”, li hu ġestit mill-GSA, biex tappoġġja l-iżvilupp tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fl-eżami ta' nofs it-terminu teżamina jekk l-ammont għandux jiżdied;

14.

Jistieden lill-GSA tkompli taħdem ma' manifatturi taċ-chipsets u tar-riċevituri biex jifhmu aħjar il-ħtiġijiet tagħhom u jipprovduhom bl-informazzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa biex jiżguraw li t-tagħmir tal-utent ikun kemm jista' jkun kompatibbli mal-Galileo; jemmen li l-industrija teħtieġ tkun inkorporata fil-proċess tal-evoluzzjoni tal-programm sabiex is-sistema tkompli tissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Galileo tiġi inkluża mill-industrija bħala waħda mill-kostellazzjonijiet ta' referenza għar-riċevituri ta' ħafna kostellazzjonijiet;

15.

Ifakkar li l-Galileo se jkollha “differenzjaturi”, jiġifieri, ċerti vantaġġi mhux provduti minn kostellazzjonijiet GNSS oħrajn, bħal servizz ta' awtentikazzjoni miftuħ u l-preċiżjoni għolja ħafna u l-affidabbiltà tas-servizzi kummerċjali; jenfasizza li huwa essenzjali għal dawn id-differenzjaturi li jkunu disponibbli kemm jista' jkun malajr biex jgħinu jiżguraw li l-Galileo ssir kostellazzjoni ta' referenza u li l-vantaġġi fuq il-kompetituri tagħha jkunu jistgħu jiġu promossi;

16.

Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-istandards tekniċi meħtieġa jkunu fis-seħħ biex jippermettu lid-data spazjali u s-servizzi jintużaw; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi gruppi ta' ħidma tematiċi b'esperti mill-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti tali standards;

L-ostakli għas-suq

17.

Iqis li l-attivitajiet tas-settur pubbliku, inklużi dawk ta' aġenziji Ewropej fdati, għandhom ikunu prevedibbli sabiex jistimulaw l-investimenti tas-settur privat; jemmen fil-prinċipju li s-servizzi spazjali futuri għandhom ikunu pprovduti prinċipalment minn, u akkwistati minn, impriżi kummerċjali sakemm ma jkunx hemm raġuni tajba biex dan ma jsirx, pereżempju, minħabba riskji ta' sigurtà tanġibbli; jissuġġerixxi li l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tar-Regolamenti Copernicus u Galileo għandha tintuża sabiex jiġi żgurat involviment akbar tas-settur privat fl-akkwist tas-servizzi;

18.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fir-rigward tad-data ta' Copernicus, tiddefinixxi b'mod ċar malajr kemm jista' jkun ir-rwol tas-servizzi pubbliċi ewlenin (liema prodotti jipprovdu fi ħdan il-politika ta' aċċess miftuħa u libera, il-proċeduri li bihom prodotti ġodda jistgħu jiġu miżjuda) u dak li għandu jitħalla lis-settur downstream; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtiġijiet ta' riżoluzzjoni għolja ħafna tad-data tal-EO għal skopijiet operazzjonali interni tal-UE; jemmen li din id-data għandha tiġi akkwistata minn fornituri kummerċjali Ewropej sabiex l-industrija Ewropea titqiegħed f'pożizzjoni b'saħħitha li jippermettilha tbigħ fi swieq kummerċjali madwar id-dinja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu wkoll miżuri biex tiffaċilita l-akkwist ta' servizzi fuq bażi spazjali minn awtoritajiet pubbliċi, inkluż billi tħeġġeġ akkwist prekummerċjali, b'mod partikolari biex jiġu appoġġjati SMEs innovattivi;

19.

Jitlob li jiżdiedu l-isforzi biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-potenzjal ta' programmi spazjali Ewropej fost is-settur pubbliku u dak privat u l-utenti aħħarija u biex jiġi inkoraġġut l-użu ta' data spazjali fis-settur pubbliku u l-komunità tan-negozju; jemmen li approċċ stimulat mill-utenti u wieħed tas-soluzzjoni għall-problemi, fejn il-ħtiġijiet tal-politika huma mqabbla ma' servizzi operazzjonali bbażati fuq is-satellita, jista' jkun effikaċi; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki, bħall-UK Space for Smarter Government Programme; iqis li l-Kummissjoni tista' taqdi rwol importanti fil-ġbir tal-ħtiġijiet tas-settur pubbliku u tgħin fil-ġenerazzjoni tad-domanda mill-utenti;

20.

Japprezza d-diversi attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni pprovduti mill-Kummissjoni, il-GSA u l-ESA, il-fornituri ta' servizzi ta' Copernicus, l-aġenziji spazjali nazzjonali u partijiet interessati oħra; jenfasizza bħala eżempji b'suċċess tal-aħjar prattika fil-Konferenzi Annwali dwar il-Politika Ewropea dwar l-Ispazju, il-konferenzi European Space Solutions, l-Ispace Days, l-Expo tal-European Space, il-Kompetizzjoni tat-Tpinġija ta' Galileo, il-Kompetizzjoni tan-Navigazzjoni bis-Satellita Ewropea u l-Copernicus Masters;

21.

Jemmen li għandhom isiru iktar sforzi sabiex jiġi promoss u kumerċjalizzat il-Programm Copernicus;

22.

Iħeġġeġ lill-GSA tkompli bl-isforzi tagħha fil-qasam tal-promozzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Galileo u tal-EGNOS u fil-provvista ta' informazzjoni dwar il-ħtiġijiet tal-utenti u żviluppi fis-suq tan-navigazzjoni bis-satellita;

23.

Iqis li l-Kummissjoni għandha tinvolvi n-netwerk ta' ċentri reġjonali Europe Direct fl-Istati Membri fit-tixrid ta' sensibilizzazzjoni tal-vantaġġi tad-data spazjali minn Copernicus u Galileo u tappoġġja wkoll l-awtoritajiet pubbliċi fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom;

L-ispazju fil-politiki tal-UE

24.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-infrastruttura tal-programmi spazjali Ewropej u s-servizzi tagħhom jiġu użati f'politiki u programmi relatati; iqis li l-Kummissjoni għandha ssaħħaħ ir-rabtiet bejn l-assi u l-attivitajiet spazjali tal-UE f'oqsma ta' politika bħas-suq intern, il-bażi industrijali, l-impjiegi, it-tkabbir, l-investiment, l-enerġija, il-klima, l-ambjent, is-saħħa, l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, it-trasport, it-turiżmu, is-suq uniku diġitali, il-politika reġjonali u l-ippjanar lokali; jemmen li hemm potenzjal enormi biex jiġu indirizzati sfidi bħalma huma l-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntiera u l-iżvilupp sostenibbli;

25.

Jagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni, għalhekk, biex twettaq “verifika spazjali” fuq l-inizjattivi ta' politiki kollha eżistenti u ġodda, biex tiżgura li jsir l-aħjar użu mill-assi spazjali tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE biex tivvaluta jekk humiex meħtieġa xi bidliet biex jiġi stimulat l-użu tad-data u s-servizzi bis-satellita (GNSS, EO, telekomunikazzjoni), jiġu pprovduti benefiċċji soċjoekonomiċi u oħrajn u biex titwettaq “verifika spazjali” ta' kull leġiżlazzjoni ġdida;

26.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga opportunitajiet għall-użu tal-GNSS Ewropea u l-Copernicus fil-viċinat u fil-politika ta' żvilupp tal-Unjoni u f'negozjati dwar kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali;

27.

Jenfasizza l-importanza kritika li d-data tal-GNSS Ewropea għal aktar sikurezza u użu effiċjenti tas-sistemi tat-trasport intelliġenti u tal-ġestjoni tat-traffiku; jiġbed l-attenzjoni għar-Regolamenti dwar l-eCall u t-takografu diġitali, li se jgħinu biex jippromwovu l-adozzjoni tal-Galileo u l-EGNOS; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza oqsma ta' applikazzjoni rilevanti oħra b'benefiċċji għas-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE bħal post ta' sejħa/messaġġ ta' emerġenza; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri leġiżlattivi f'dan ir-rigward biex tiżgura l-kompatibilità taċ-chipsets tal-GNSS mal-Galileo/EGNOS, b'mod partikolari fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u l-infrastrutturi kritiċi;

28.

Jenfasizza l-fatt li d-data spazjali u s-servizzi jistgħu jaqdu rwol essenzjali f'li jippermettu lill-Ewropa tkun tista' tieħu rwol ta' mexxejja f'tendenzi teknoloġiċi prinċipali bħal pereżempju l-internet tal-oġġetti, il-bliet intelliġenti, il-big data u l-vetturi konnessi/awtonomi; jilqa', f'dan ir-rigward, id-“Dikjarazzjoni ta' Amsterdam” li tenfasizza r-rwol tal-Galileo u l-EGNOS;

Aċċess għall-finanzjament u l-għarfien espert

29.

Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-finanzjament għall-iżvilupp ta' applikazzjonijiet u servizzi downstream u s-suq downstream b'mod ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni, biex fil-perjodu tal-QFP li jmiss, teżamina x-xewqa li għal dan l-iskop jiġi mwarrab proporzjon akbar tal-baġit spazjali tal-UE;

30.

Jenfasizza li l-UE għandha firxa wiesgħa ta' aċċess għal opportunitajiet ta' finanzjament għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġja s-settur spazjali downstream (l-Orizzont 2020, il-FSIE, il-COSME, il-FEIS, eċċ.); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża dawn l-istrumenti b'mod koordinat u ffukat u, inkluż permezz tal-iffaċilitar ta' servizzi ta' konsulenza u ta' komunikazzjoni; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tintroduċi mekkaniżmi ta' finanzjament innovattivi u flessibbli u biex tindirizza d-disponibbiltà insuffiċjenti ta' kapital ta' riskju; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari li jkun issimplifikat l-aċċess għall-finanzjament għal kumpaniji Ewropej ġodda, mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju b'mod partikolari biex jiġu megħjuna jkollhom suċċess fil-fażijiet bikrin tal-kummerċjalizzazzjoni;

31.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-internazzjonalizzazzjoni tal-kumpaniji spazjali, inklużi l-SMEs, permezz ta' aċċess aħjar għal finanzjament u appoġġ adegwat għall-kompetittività tal-industrija spazjali Ewropea, u wkoll permezz ta' azzjoni speċifika tal-UE li tippermetti l-aċċess indipendenti tal-Ewropa għall-ispazju;

32.

Jirrakkomanda li għandu jkun hemm rabta aktar b'saħħitha bejn ir-R&Ż u appoġġ għall-programmi ta' żvilupp tan-negozji; iqis b'mod partikolari li l-potenzjal ta' innovazzjoni tal-Orizzont 2020 għandu jiġi sfruttat aħjar għas-settur spazjali; jitlob li jkun hemm strateġija xierqa ta' tixrid tar-riżultati ta' riċerka relatata mal-ispazju tal-Orizzont 2020 lill-komunità tan-negozju u jemmen li jeħtieġ li tiġi promossa kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn l-universitajiet u l-kumpaniji privati għall-iżvilupp tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi;

33.

Huwa konvint li r-raggruppamenti, l-inkubaturi u inizjattivi simili oħra tal-industrija spazjali jgħinu biex isaħħu d-dħul fis-suq, jistimulaw l-innovazzjoni u jippromwovu sinerġiji bejn l-ispazju u l-ICT u setturi oħra tal-ekonomija; jilqa' l-isforzi ta' xi Stati Membri f'dan il-qasam kif ukoll l-inkubaturi tan-negozju tal-ESA; jemmen li l-Kummissjoni għandha tibni fuq dawn l-isforzi biex tiġi żviluppata strateġija koerenti tal-UE li tappoġġja l-intraprenditorija spazjali u tiżviluppa l-mezzi biex tgħaqqadhom mal-ekonomija usa'; jistieden lill-Kummissjoni tgħin fil-korrezzjoni tal-iżbilanċ ġeografiku ta' dawn l-attivitajiet li fihom il-pajjiżi Ewropej Ċentrali u tal-Lvant għadhom lura; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki u l-kondiviżjoni ta' kapaċitajiet tal-infrastruttura;

34.

Iqis li l-UE u l-Istati Membri għandhom, b'kooperazzjoni mas-settur privat, iżidu l-isforzi tagħhom biex jistimolaw il-ħiliet u l-intraprenditorija u biex jattiraw studenti minn universitajiet tekniċi, xjenzjati u intraprendituri żgħażagħ lejn is-settur spazjali; jemmen li dan se jgħin sabiex tinżamm kapaċità ta' xjenza spazjali fuq quddiem u biex jiġi prevenut eżodu ta' mħuħ ta' esperti b'edukazzjoni u b'ħiliet għolja lejn partijiet oħra tad-dinja;

o

o o

35.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 72.

(2)  ĠU L 122, 24.4.2014, p. 44.

(3)  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 11.

(4)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1.

(5)  ĠU L 123, 19.5.2015, p. 77.

(6)  ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2016)0267.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2013)0534.

(9)  ĠU C 227 E, 6.8.2013, p. 16.

(10)  ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 1.

(11)  L-Iżvilupp tas-Suq Spazjali fl-Ewropa, Studju għall-Kumitat ITRE, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku A, 2016, ISBN 978-92-823-8537-1.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/101


P8_TA(2016)0269

Sitwazzjoni fil-Venezwela

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2016/2699(RSP))

(2018/C 086/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-diversi r-riżoluzzjonijiet preċedenti u reċenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela (2) u tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (3),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija parti għalih,

wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikana adottata fil-11 ta' Settembru 2001,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u b'mod partikolari l-Artikoli 72 u 233 tagħha,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar id-detenzjoni ta' dimostranti u persunaġġi politiċi fil-Venezwela,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-7 ta' Diċembru 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Jannar 2016 mill-Kelliem tas-SEAE dwar l-inawgurazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida tal-Venezwela,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' April 2016 mill-Kelliem għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Ravina Shamdasani,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Mejju 2016 mill-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

wara li kkunsidra l-ittra tas-16 ta' Mejju 2016 mill-Human Rights Watch lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, Luis Almagro, dwar il-Venezwela (4),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani tat-18 ta' Mejju 2016,

wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet uffiċjali tas-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR) maħruġa fit-23 ta' Mejju (5) u fit-28 ta' Mejju 2016 (6) dwar il-laqgħat esploratorji biex jitnieda djalogu nazzjonali bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern Venezwelan u l-koalizzjoni tal-oppożizzjoni tal-MUD (Mesa de la Unidad Democrática),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja li pparteċipaw fis-Summit tal-G7 li sar f'Ise-Shima fis-26 u s-27 ta' Mejju 2016 (7),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, John Kerry, tas-27 ta' Mejju 2016, dwar it-telefonata tiegħu mal-eks Prim Ministru Spanjol, José Luis Rodríguez Zapatero (8),

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-koalizzjoni tal-oppożizzjoni tal-Venezwela, il-MUD, rebħet 112-il siġġu fl-Assemblea Nazzjonali li għandha kamra leġiżlattiva waħda b'167 membru, jiġifieri maġġoranza ta' żewġ terzi meta mqabbla mal-55 siġġu tal-PSUV (Partido Socialista Unido de Venezuela); billi l-Qorti Suprema sussegwentement imblukkat erba' rappreżentanti li kienu għadhom kemm ġew eletti fl-Assemblea Nazzjonali (li 3 minnhom huma tal-MUD) milli jieħdu l-kariga, u dan ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-maġġoranza tagħha ta' żewġ terzi;

B.

billi, fil-ħames xhur ta' attività leġiżlattiva tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida, li fiha l-oppożizzjoni demokratika għandha l-maġġoranza, il-Qorti Suprema qatgħet 13-il sentenza b'motivazzjonijiet politiċi favur l-eżekuttiv, li kollha kemm huma jipperikolaw il-bilanċ tas-setgħat neċessarju fi stat iggvernat bl-istat tad-dritt;

C.

billi deċiżjonijiet bħal dawk li ħarġu u kkonfermaw id-Digriet ta' Stat ta' Eċċezzjoni u ta' Emerġenza Ekonomika, li eliminaw is-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali rigward l-iskrutinju tal-politiki, li rrifjutaw li jirrikonoxxu s-setgħa kkonferita mill-kostituzzjoni lill-Assemblea Nazzjonali li din tal-aħħar tirrevoka l-ħatra ta' mħallfin tal-Qorti Suprema, li ddikjaraw mhux kostituzzjonali r-riforma tal-Liġi dwar il-Bank Ċentrali tal-Venezwela u ssospendew l-artikoli tar-Regoli dwar id-Dibattiti Interni tal-Assemblea Nazzjonali, fost l-oħrajn, ittieħdu bi ksur tas-setgħat leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali, bl-ebda rispett għall-bilanċ tas-setgħat li huwa essenzjali fi stat iggvernat bl-istat tad-dritt;

D.

billi hemm madwar 2 000 persuna miżmuma l-ħabs, taħt arrest domiċiljarju jew fuq probation għal raġunijiet politiċi, fosthom mexxejja politiċi importanti bħal Leopoldo López, Antonio Ledezma u Daniel Ceballos; billi fit-30 ta' Marzu 2016, l-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela għaddiet liġi li tagħti amnestija lill-priġunieri msemmijin hawn fuq, u b'hekk wittiet it-triq għal djalogu lejn ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali; billi din il-liġi hija konformi mal-Artikolu 29 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, minkejja d-dikjarazzjoni ta' nonkostituzzjonalità mogħtija mill-Qorti Suprema; billi Zeid Ra’ad Al Hussein, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, stqarr pubblikament li l-Liġi dwar l-Amnestija u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali kienet konformi mad-dritt internazzjonali u esprima d-diżappunt tiegħu dwar ir-rifjut tagħha;

E.

billi l-istat tad-dritt u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat mhumiex irrispettati kif xieraq fil-Venezwela; billi l-fatti attwali jindikaw l-influwenza u l-kontroll tal-gvern fuq il-poter ġudizzjarju u l-Kunsill Elettorali Nazzjonali, fatt li għandu impatt detrimentali fuq is-setgħat tal-leġiżlatur u tal-oppożizzjoni, li huma l-pedament ta' kull sistema demokratika, bi ksur ċar tal-prinċipju ta' indipendenza u separazzjoni tas-setgħat li huwa karatteristika ta' stati demokratiċi rregolati mill-istat tad-dritt;

F.

billi l-oppożizzjoni demokratika bdiet proċess rikonoxxut kostituzzjonalment li jippermetti li uffiċjali pubbliċi jitneħħew mill-kariga permess ta' referendum ta' revoka wara li jkunu lestew 50 % tal-mandat tagħhom; billi l-Kunsill Elettorali Nazzjonali rċieva mingħand il-MUD 1,8 miljun firma ta' ċittadini tal-Venezwela b'appoġġ għal dan il-proċess, ħafna aktar mill-198 000 inizjalment meħtieġa biex il-proċess ikun legali u aċċettat kostituzzjonalment;

G.

billi l-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi umanitarja serja, ikkawżata minn nuqqasijiet ta' ikel u mediċina; billi l-Assemblea Nazzjonali ddikjarat 'kriżi umanitarja tas-saħħa u tal-ikel' minħabba n-nuqqas ġenerali ta' mediċini, tagħmir u provvisti mediċi, u talbet lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għal għajnuna umanitarja u żjara teknika biex jiġu ċertifikati l-kundizzjonijiet deskritti hawn fuq;

H.

billi, minkejja n-nuqqas ta' data uffiċjali, skont l-ENCOVI (Encuesta de Condiciones de Vida) r-rata tal-faqar fil-Venezwela irdoppjat, minn 30 % fl-2013 għal 60 % fl-2016; billi 75 % tal-mediċini meqjusa bħala essenzjali mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa mhumiex disponibbli fil-Venezwela;

I.

billi l-gvern qed jimpedixxi d-dħul tal-għajnuna umanitarja fil-pajjiż, u qed jibbojkottja d-diversi inizjattivi internazzjonali ta' assistenza lis-soċjetà ċivili, kif seħħ fil-każ tal-Caritas u NGOs oħra;

J.

billi skont il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), l-ekonomija tal-Venezwela hija mbassra li se tiċkien bi 8 % fl-2016, wara t-tnaqqis ta' 5,7 % fl-2015; billi minkejja ż-żieda ta' 30 % fil-paga minima, ir-rata ta' inflazzjoni ta' 180,9 % xxekkel kwalunkwe prospett li l-prodotti bażiċi jkunu għall-but tal-Venezwelani; billi l-FMI jbassar rata medja tal-inflazzjoni ta' 700 % sa tmiem l-2016 u ta' 2 200 % fl-2017;

K.

billi n-nuqqas ta' prospettiva fl-infrastruttura bażika u l-ineffiċjenza fil-governanza wasslu għal kriżi ekonomika u soċjali kbira, kif juru l-iskarsezzi – li ilhom għaddejjin -, ta' riżorsi, materji primi, fatturi ta' produzzjoni, prodotti tal-ikel bażiċi u mediċini essenzjali, flimkien ma' produzzjoni żero, u billi l-pajjiż jinsab f'xifer ta' taqliba soċjali kbira u kriżi umanitarja b'konsegwenzi imprevedibbli;

L.

billi r-rati ta' kriminalità għoljin ħafna u l-impunità totali fil-Venezwela biddlu lill-pajjiż f'wieħed mill-aktar pajjiżi perikolużi tad-dinja, b'Caracas għandha l-ogħla rata ta' kriminalità vjolenti fid-dinja, b'aktar minn 119,87 omiċidju għal kull 100 000 persuna;

M.

billi l-ġlied għal kontroll ta' minjieri illegali huwa komuni fiż-żona li hija għanja fil-minerali qrib il-fruntieri mal-Guyana u mal-Brażil; billi fl-4 ta' Marzu 2016 seħħ massakru f'Tumeremo fl-istat ta' Bolívar, li fih 28 ħaddiem tal-minjieri għebu u mbagħad wara ġew maqtula; billi għadha dovuta tweġiba sodisfaċenti min-naħa tal-awtoritajiet, u billi l-ġurnalista Lucía Suárez, li dan l-aħħar kienet investigat il-każ, inqatlet b'arma tan-nar fit-28 ta' April 2016 f'darha f'Tumeremo;

N.

billi fis-27 ta' Mejju 2016 il-pajjiżi tal-G7 ħarġu stqarrija li fiha ħeġġew lill-Venezwela ''tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għal djalogu bejn il-gvern u ċ-ċittadini tagħha biex tiġi riżolta l-kriżi politika u ekonomika dejjem aktar serja'', u billi fl-1 ta' Ġunju 2016 l-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) ħareġ dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela;

O.

billi, fil-qafas tal-UNASUR, dan l-aħħar saru laqgħat esploratorji fir-Repubblika Dominikana, immexxija mill-eks Prim Ministru Spanjol José Luis Rodríguez Zapatero, mill-eks President tar-Repubblika Dominikana Leonel Fernández u mill-eks President tal-Panama Martín Torrijos, bl-għan li jingħata bidu għal djalogu nazzjonali mar-rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u l-partiti fl-oppożizzjoni rrappreżentati mill-MUD;

P.

billi soluzzjoni għall-kriżi tista' tinstab biss permezz ta' djalogu mal-livelli kollha tal-gvern, l-oppożizzjoni demokratika u s-soċjetà;

1.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjoni soċjoekonomika fil-Venezwela, bi klima ta' instabilità politika u soċjali li kulma jmur qed tkompli tiżdied;

2.

Jesprimi t-tħassib tiegħu anke dwar l-impass istituzzjonali attwali u l-użu min-naħa tal-eżekuttiv ta' setgħat statali biex jikkontrolla lill-Qorti Suprema u l-Kunsill Elettorali Nazzjonali bl-għan li jimpedixxi l-applikazzjoni ta' liġijiet u inizjattivi adottati mill-Assemblea Nazzjonali; jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jirrispetta l-istat tad-dritt u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat; ifakkar li s-separazzjoni u n-nuqqas ta' interferenza bejn is-setgħat li huma ugwalment leġittimi huwa prinċipju essenzjali ta' stati demokratiċi mmexxija mill-istat tad-dritt;

3.

Jistieden lill-Gvern Venezwelan jadotta attitudni kostruttiva sabiex tingħeleb is-sitwazzjoni attwali kritika tal-Venezwela permezz ta' soluzzjoni kostituzzjonali, paċifika u demokratika bbażata fuq id-djalogu;

4.

Jilqa' l-isforzi ta' medjazzjoni mibdija fuq l-istedina tal-UNASUR sabiex jitnieda proċess ta' djalogu nazzjonali bejn l-eżekuttiv u l-oppożizzjoni rappreżentata mill-komponenti ta' maġġoranza tal-MUD;

5.

Jieħu nota tad-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G7 dwar il-Venezwela; jitlob lill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju biex joħroġ dikjarazzjoni politika dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż u biex jappoġġa l-isforzi ta' medjazzjoni li ġew imnedija reċentement sabiex jagħtu lok li jintlaħaq qbil fuq soluzzjonijiet demokratiċi u politiċi għall-Venezwela;

6.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Venezwela biex jeħles minnufih lill-priġunieri politiċi kollha; ifakkar li l-ħelsien ta' priġunieri politiċi huwa prerekwiżit stabbilit mill-oppożizzjoni għall-bidu tat-taħdidiet ta' negozjati, u jistieden liż-żewġ naħat jaqblu dwar soluzzjoni ta' kompromess bl-għan li jiġu appoġġati l-isforzi ta' medjazzjoni li jeżistu bħalissa; jistieden lill-UE u lill-VP/RGħ jħeġġu l-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi u ta' dawk miżmuma b'mod arbitrarju, bi qbil mat-talbiet li għamlu diversi korpi tan-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-Liġi dwar l-Amnestija u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali;

7.

Jitlob lill-awtoritajiet jirrispettaw u jiggarantixxu d-dritt kostituzzjonali għal dimostrazzjonijiet paċifiċi; jistieden ukoll lill-mexxejja tal-oppożizzjoni jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b'responsabilità; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jiggarantixxu sigurtà u l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet taċ-ċittadini kollha, partikolarment tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti, tal-attivisti politiċi u tal-membri tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti;

8.

Jistieden lill-President Nicolas Maduro u l-gvern tiegħu jimplimentaw riformi ekonomiċi urġenti f'kooperazzjoni mal-Assemblea Nazzjonali biex tinstab soluzzjoni kostruttiva għall-kriżi ekonomika u tal-enerġija, b'mod partikolari l-iskarsezza ta' ikel u ta' mediċini;

9.

Jesprimi tħassib serju rigward it-tensjoni soċjali li kulma jmur qed tiddeterjora, ikkawżata mill-iskarsezza ta' prodotti bażiċi bħall-ikel u l-mediċini; jistieden lill-VP/RGħ tipproponi pjan ta' assistenza għall-pajjiż u tħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex jippermettu li l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż u biex jagħtu aċċess lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lis-setturi l-aktar affettwati fis-soċjetà bil-ħsieb li jindirizzaw l-aktar ħtiġijiet urġenti u bażiċi tal-popolazzjoni;

10.

Iħeġġeġ lill-gvern u lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Venezwela biex jirrispettaw il-Kostituzzjoni, inklużi l-mekkaniżmi u l-proċeduri leġittimi u rikonoxxuti għall-attivazzjoni tal-proċess stabbilit fil-Kostituzzjoni tal-Venezwela għad-destituzzjoni tal-president qabel tmiem l-2016;

11.

Iħeġġeġ lill-VP/RGħ tikkoopera mal-pajjiżi tal-Amerika Latina u ma' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali bil-għan li jkun żgurat li fil-Venezwela jiġu implimentati mekkaniżmi għad-djalogu, għar-rikonċiljazzjoni u għall-medjazzjoni nazzjonali ħalli jirfdu soluzzjoni paċifika, demokratika u kostituzzjonali għall-kriżi li l-pajjiż qed iġarrab bħalissa;

12.

Iqis bħala prijorità assoluta t-tnaqqis tal-livelli għoljin attwali ta' impunità, li jżidu u jrawmu l-vjolenza u l-insigurtà, dejjem akbar, fil-pajjiż, u l-garanzija tar-rispett tas-sistema ġuridika fis-seħħ, li tesiġi ġustizzja għall-vittmi tas-sekwestri, tal-qtil u ta' delitti oħra kommessi kuljum, kif ukoll għall-familji tagħhom;

13.

Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jinvestigaw il-massakru ta' Tumeremo, li fih 28 ħaddiem tal-minjieri nqatlu, bl-għan li l-awturi u l-instigaturi jinġiebu quddiem il-ġustizzja, inklużi dawk involuti fil-qtil reċenti tal-ġurnalista Lucía Suárez, li seħħ fl-istess post u li hemm suspett li huwa konness;

14.

Itenni t-talba tiegħu li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Venezwela u li jkun hemm djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;

15.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2014)0176.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2014)0106.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2015)0080.

(4)  https://www.hrw.org/news/2016/05/16/letter-human-rights-watch-secretary-general-almagro-about-venezuela

(5)  http://www.unasursg.org/es/node/719

(6)  http://www.unasursg.org/es/node/779

(7)  http://www.mofa.go.jp/files/000160266.pdf

(8)  http://www.state.gov/r/pa/prs/ps/2016/05/257789.htm


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/105


P8_TA(2016)0270

Interferenti endokrinali: sitwazzjoni attwali wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Diċembru 2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-interferenti endokrinali: sitwazzjoni attwali wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropeatal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 2015 (2016/2747(RSP))

(2018/C 086/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1),

wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni biex tiddefinixxi kriterji għall-identifikazzjoni ta' interferenti endokrinali fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti u r-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali (2),

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Diċembru 2015 fil-kawża T-521/14 (kawża mressqa mill-Iżvezja kontra l-Kummissjoni, l-Iżvezja appoġġata mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza u l-Olanda) (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 265 u 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-ittra tat-22 ta' Marzu 2016 mill-President Jean-Claude Juncker lill-President tal-Parlament Ewropew ((2016)1416502),

wara li kkunsidra r-rapport UNEP/WHO dwar “L-istat tax-xjenza fir-rigward tal-interferenti endokrinali 2012” (“State of the science of endocrine disrupting chemicals 2012”) (4)

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, is-sustanzi attivi li jitqiesu li għandhom proprjetajiet ta' interferenti endokrinali li jistgħu jikkawżaw effetti negattivi fil-bnedmin, jew abbażi ta' kriterji xjentifiċi li jiġu speċifikati jew, sakemm jiġu adottati dawk il-kriterji, abbażi ta' kriterji interim, m'għandhomx jiġu approvati, ħlief jekk waħda mid-derogi msemmija fl-Artikolu 5(2) hija applikabbli;

B.

billi, skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Kummissjoni kienet rikjesta li, sa mhux aktar tard mit-13 ta' Diċembru 2013, tadotta atti delegati li jispeċifikaw il-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet ta' interferenti endokrinali ta' sustanzi attivi u prodotti bijoċidali;

C.

billi l-Kummissjoni għadha ma adottatx l-atti delegati li jispeċifikaw il-kriterji xjentifiċi, li issa huma aktar minn sentejn u nofs tard;

D.

billi r-rapport tal-UNEP/WHO sejjaħ l-interferenti endokrinali (EDCs) theddida globali, u jirreferi, inter alia, għall-inċidenza għolja u x-xejriet li qed jiżdiedu ta' bosta mard relatat mas-sistema endokrinali fil-bnedmin, kif ukoll jinnota l-osservazzjoni tal-effetti relatati mas-sistema endokrinali fil-popolazzjoni tal-organiżmi u l-annimali selvaġġi; billi hemm evidenza emerġenti ta' effetti ħżiena fuq ir-riproduzzjoni, (l-infertilità, il-kanċer, il-malformazzjonijiet) mill-esponiment għall-EDCs, u hemm ukoll evidenza tal-effetti ta' dawn is-sustanzi kimiċi fuq il-funzjoni tat-tirojde, il-funzjoni tal-moħħ, l-obeżità u l-metaboliżmu, u l-insulina u l-omeostażi tal-glukożju;

E.

billi l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ddikjarat fis-sentenza tagħha tas-16 ta' Diċembru 2015 fil-Kawża T-521/14 li l-Kummissjoni kisret il-liġi tal-Unjoni meta naqset milli tadotta atti delegati li jispeċifikaw kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet ta' interferenti endokrinali;

F.

billi l-Qorti ddeċidiet fis-sentenza tagħha li l-Kummissjoni kellha obbligu ċar, preċiż u mingħajr kundizzjonijiet li tadotta atti delegati li jistabbilixxu l-kriterji xjentifiċi msemmija hawn fuq sa mhux aktar tard mit-13 ta' Diċembru 2013;

G.

billi sfit-28 ta' Marzu 2013, il-Grupp Konsultattiv ta' Esperti dwar l-Interferenti Endokrinali stabbilit mill-Kummissjoni u kkoordinat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), adotta rapport dwar il-kwistjonijiet xjentifiċi ewlenin li huma rilevanti għall-identifikazzjoni u l-karatterizzazzjoni tal-interferenti tendokrinali; billi proposta kompleta għall-kriterji xjentifiċi kienet lesta fil-ħin wara tliet snin ta' ħidma mis-servizzi;

H.

billi l-Qorti ddikjarat li ebda dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 ma teħtieġ valutazzjoni tal-impatt ta' kriterji xjentifiċi bbażati fuq il-periklu, u anke kieku l-Kummissjoni kienet tqis li tali valutazzjoni tal-impatt kienet meħtieġa, din ma kinitx teżentaha milli tirrispetta l-iskadenza stabbilita fir-Regolament (paragrafu 74 tas-sentenza);

I.

billi, barra minn hekk, il-Qorti ddeċidiet li l-ispeċifikazzjoni ta' kriterji xjentifiċi jistgħu biss jitwettqu b'mod oġġettiv abbażi ta' data xjentifika rigward is-sistema endokrinali, indipendentement minn kwalunkwe konsiderazzjoni oħra, b'mod partikolari konsiderazzjonijiet ekonomiċi (paragrafu 71 tas-sentenza); billi, b'hekk, il-Qorti ċċarat li valutazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku mhijiex adattata biex tittieħed deċiżjoni dwar kwistjoni xjentifika;

J.

billi, barra minn hekk, il-Qorti ddeċidiet li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-setgħat delegati lilha mil-leġiżlatur, ma tistax tikkontesta l-bilanċ regolatorju stabbilit mil-leġiżlatur bejn it-titjib tas-suq intern u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent (paragrafu 72 tas-sentenza); billi, f'dan il-kuntest, il-Qorti ċċarat li mhux xieraq li l-Kummissjoni tivvaluta l-bidliet regolatorji tal-leġiżlazzjoni settorjali bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt relatata mal-adozzjoni ta' att delegat;

K.

billi l-Qorti sabet li l-kriterji interim stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala miżuri li jwasslu għal livell ta' protezzjoni li jkun għoli biżżejjed (paragrafu 77 tas-sentenza);

L.

billi, skont l-Artikolu 266 tat-TFUE, l-istituzzjoni li n-nuqqas tagħha li taġixxi tiġi ddikjarata kuntrarju għat-Trattati għandha tkun marbuta li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

M.

billi fis-seduta plenarja tal-Parlament ta' Frar 2016, Vytenis Andriukaitis, il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel, ħabbar li l-Kummissjoni xorta waħda se tkompli tmexxi valutazzjoni tal-impatt, billi tikkunsidraha bħala “għodda utli u anki essenzjali biex tiggwida d-deċiżjoni futura tagħha dwar il-kriterji”;

N.

billi l-Kummissjoni hija obbligata twettaq valutazzjonijiet tal-impatt għal inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li huma mistennija li jkollhom impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinifikanti biex jiġu identifikati soluzzjonijiet alternattivi, u dan ifisser li l-valutazzjonijiet tal-impatt huma għodod prezzjużi li jgħinu lir-regolaturi jivvalutaw l-għażliet ta' politika, iżda mhux biex jiddeterminaw il-kwistjonijiet xjentifiċi rilevanti;

O.

billi l-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker ikkonferma fl-ittra tiegħu tat-22 ta' Marzu 2016 lill-President tal-Parlament, Martin Schulz, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq, fl-ewwel istanza, l-opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju dwar il-valutazzjoni tal-impatt qabel ma tiddeċiedi fuq il-kriterji xjentifiċi, u mbagħad tadotta kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet ta' interferenti endokrinali sa tmiem Ġunju 2016;

P.

billi, għaldaqstant, ma hemm l-ebda dubju li l-Kummissjoni għadha ma ħaditx azzjoni biex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti, iżda, pjuttost, baqgħet tippersisti fil-ksur tal-liġi tal-UE kif iddikjarat mill-Qorti, u għalhekk issa hija wkoll fi ksur tal-Artikolu 266 tat-TFUE;

Q.

billi huwa assolutament inaċċettabbli li l-Kummissjoni, bħala l-Gwardjan tat-Trattati, ma tikkonformax mat-Trattati;

1.

Jikkundanna lill-Kummissjoni mhux biss għan-nuqqas tagħha li tikkonforma mal-obbligu tagħha li tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012, iżda barra minn hekk, talli naqqset milli tikkonforma mal-obbligi istituzzjonali tagħha kif stabbiliti fit-Trattati infushom, b'mod partikolari fl-Artikolu 266 tat-TFUE;

2.

Jinnota l-impenn politiku tal-Kummissjoni li tipproponi kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet ta' interferenti endokrinali qabel is-sajf;

3.

Jenfasizza li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ispeċifikazzjoni ta' kriterji xjentifiċi jistgħu biss jitwettqu b'mod oġġettiv abbażi ta' data xjentifika rigward is-sistema endokrinali, indipendentement minn kwalunkwe konsiderazzjoni oħra, b'mod partikolari konsiderazzjonijiet ekonomiċi, u li l-Kummissjoni ma tistax tbiddel il-bilanċ regolatorju stipulat f'att bażiku permezz tal-applikazzjoni tas-setgħat delegati lilha skont l-Artikolu 290 tat-TFUE, kwistjoni li, madankollu, il-Kummissjoni tevalwa bħala parti mill-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkonforma immedjatament mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 266 tat-TFUE u biex minnufih tadotta kriterji xjentifiċi bbażati fuq il-periklu għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet ta' interferenti endokrinali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill u lill-President tal-Kummissjoni, kif ukoll biex jinnotifikahom dwar ir-riżultat tal-votazzjoni dwarha fis-seduta plenarja.


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  http://ec.europa.eu/smart-regulation/impact/planned_ia/docs/2014_env_009_endocrine_disruptors_en.pdf

(3)  http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf;jsessionid=9ea7d2dc30d51da24ab07e534c8a920ba78762970884.e34KaxiLc3qMb40Rch0SaxuTa3r0?text=&docid=173067&pageIndex=0&doclang=FR&mode=lst&dir=&occ=first&part=1&cid=717530

(4)  http://www.who.int/ceh/publications/endocrine/en/


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/108


P8_TA(2016)0271

Prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti milll-qamħirrum ġenetikament modifikat

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti milll-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta mill-events Bt11, MIR162, MIR604 u GA21, u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2010/426/UE, 2011/893/UE, 2011/892/UE u 2011/894/UE (D044931/01 – 2016/2682(RSP))

(2018/C 086/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti milll-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta mill-events Bt11, MIR162, MIR604 u GA21, u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2010/426/UE, 2011/893/UE, 2011/892/UE u 2011/894/UE (D044931/01,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3), 9(2), 19(3) u 21(2) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (2),

wara li kkunsidra l-fatt li l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 vvota fil-25 ta' April 2016 li ma jagħtix opinjoni,

wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fis-7 ta' Diċembru 2015 (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (MON-877Ø5-6 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (MON-877Ø8-9 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (MON-ØØ6Ø3-6 × ACS-ZMØØ3-2) jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fid-9 ta' Frar 2009, Syngenta France SAS ressqet applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Ġermanja skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom, jikkonsistu jew huma prodotti mill-qamħirrum Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21;

B.

billi l-applikazzjoni tkopri wkoll it-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21 fi prodotti li jikkonsistu jew li fihom minnu għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kull tip ta' qamħirrum ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

C.

billi fil-5 ta' Lulju 2013, Syngenta estendiet l-ambitu tal-applikazzjoni biex tkopri s-sottokumbinazzjonijiet kollha tal-events ta' modifikazzjoni ġenetika unika li jikkostitwixxu l-qamħirrum Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21 (''sottokumbinazzjonijiet''), inklużi l-qamħirrum Bt11 × GA21, il-qamħirrum MIR604 × GA21, il-qamħirrum Bt11 × MIR604 kif ukoll dak Bt11 × MIR604 × GA21, li huma diġà awtorizzati rispettivament mid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2010/426/UE (8), 2011/892/UE (9), 2011/893/UE (10) u 2011/894/UE (11);

D.

billi, kif deskritt fl-applikazzjoni, il-qamħirrum SYN-BTØ11-1 jesprimi l-proteina Cry1Ab, li tagħti protezzjoni kontra ċerti pesti lepidopteri, u l-proteina PAT, li tagħti tolleranza għall-erbiċidi glufosinat tal-ammonju;

E.

billi, kif deskritt fl-applikazzjoni, il-qamħirrum SYN-IR162-4 jesprimi l-proteina Vip3Aa20, li tagħti protezzjoni kontra ċerti pesti lepidopteri, u l-proteina PMI, li kienet tintuża bħala markatur ġenetiku;

F.

billi, kif deskritt fl-applikazzjoni, il-qamħirrum SYN-IR6Ø4-5 jesprimi l-proteina Cry3A, li tagħti protezzjoni kontra ċerti pesti koleopterani, u l-proteina PMI, li kienet tintuża bħala markatur ġenetiku;

G.

billi, kif deskritt fl-applikazzjoni, il-qamħirrum MON-ØØØ21-9 jesprimi l-proteina Cry1Ab li tagħti protezzjoni kontra ċerti pesti lepidopteri, u l-proteina mEPSPS, li tagħti tolleranza lill-erbiċidi bbażati fuq il-glifosat;

H.

billi l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer – l-aġenzija tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa speċjalizzata fil-kanċer – ikklassifikat il-glifosat bħala x'aktarx karċinoġeniku għall-bniedem fl-20 ta' Marzu 2015 (12);

I.

billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ġie vvutat fil-Kumitat Permanenti fil-25 ta' April 2016, mingħajr ma ngħatat l-ebda opinjoni;

J.

billi fit-22 ta' April 2015 il-Kummissjoni, fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, iddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kienu ġew adottati mill-Kummissjoni, b'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitati tal-Istati Membri, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li kien tassew l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, kien sar in-norma għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar awtorizzazzjonijiet għal ikel u għalf ġenetikament modifikat (ĠM);

1.

Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(3)  Il-Bord tal-OĠM tal-EFSA (il-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati), 2015.

Opinjoni xjentifika dwar applikazzjoni minn Syngenta (EFSA-GMO-DE-2009-66) għat-tqegħid fis-suq ta' qamħirrum li jiflaħ għall-erbiċidi u reżistenti għall-insetti Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21 u sottokumbinazzjonijiet indipendentement mill-oriġini tagħhom għall-użu ta' ikel u għalf, l-importazzjoni u l-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Ġurnal tal-EFSA 2015; 13(12):4297 (34 pp. doi:10.2903/j.efsa.2015.4297).

(4)  Testi adottati, P8_TA(2016)0040.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2016)0039.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2016)0038.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2015)0456.

(8)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/426/UE tat-28 ta' Lulju 2010 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-prodotti li għandhom fihom, li jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament immodifikat MIR604xGA21 (SYN-IR6Ø4-5xMON-ØØØ21-9) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 199, 31.7.2010, p. 36).

(9)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/892/UE tat-22 ta' Diċembru 2011 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-prodotti li għandhom fihom, li jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament immodifikat MIR604xGA21 (SYN-IR6Ø4-5xMON-ØØØ21-9) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 344, 28.12.2011, p. 55).

(10)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/893/UE tat-22 ta' Diċembru 2011 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11xMIR604xGA21 (SYN-BTØ11-1xSYN-IR6Ø4-5xMON-ØØØ21-5) jew jikkonsistu jew huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 344, 28.12.2011, p. 59).

(11)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/894/UE tat-22 ta' Diċembru 2011 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11xMIR604xGA21 (SYN-BTØ11-1xSYN-IR6Ø4-5xMON-ØØØ21-9) jew jikkonsistu jew huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 344, 28.12.2011, p. 64).

(12)  IARC Monographs Volume 112: evaluation of five organophosphate insecticides and herbicides tal-20 ta' Marzu 2015, http://www.iarc.fr/en/media-centre/iarcnews/pdf/MonographVolume112.pdf


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/111


P8_TA(2016)0272

Qronfla ġenetikament modifikata (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (D044927/02 – 2016/2683(RSP))

(2018/C 086/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (D044927/02,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (2),

wara li kkunsidra l-opinjoni ppubblikata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fil-15 ta' Diċembru 2015 (3),

wara li kkunsidra l-opinjoni maħruġa mill-EFSA fl-10 ta' Novembru 2014 (4),

wara li kkunsidra l-andament tal-votazzjoni tal-Kumitat għar-Regolamentazzjoni tal-25 ta' April 2016,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi f'Marzu 2013, notifika (Referenza C/NL/13/01) dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) kienet intbagħtet minn Suntory Holdings Limited, Osaka, il-Ġappun, lill-awtorità kompetenti tan-Netherlands;

B.

billi l-ambitu tan-notifika C/NL/13/01 ikopri l-importazzjoni, id-distribuzzjoni u l-bejgħ bl-imnut fl-Unjoni tal-fjuri maqtugħa tal-qronfla ġenetikament modifikata (GM) SHD-27531-4 għal użu ornamentali biss;

C.

billi fil-25 ta' April 2016, il-Kumitat għar-Regolamentazzjoni ma ta l-ebda opinjoni, b'seba' Stati Membri li jirrappreżentaw 7,84 % tal-popolazzjoni, li vvutaw kontra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni, sitt Stati Membri li jirrapreżentaw 46,26 % tal-popolazzjoni li astjenew, ħdax-il Stat Membru li jirrapreżentaw 36,29 % tal-popolazzjoni li vvutaw favur, u erba' Stati Membri ma kinux rappreżentati;

D.

billi l-opinjoni tal-EFSA tiddikjara li l-Bord tal-OĠM tal-EFSA huwa konxju dwar drawwa ta' ikel f'ċerti popolazzjonijiet li intenzjonalment jikkunsmaw il-petali tal-qronfol bħala kontorn;

E.

billi l-Bord tal-OĠM tal-EFSA ma kienx, madankollu, ivvaluta l-konsegwenzi possibbli tal-konsum intenzjonat mill-bniedem tal-qronfol ġenetikament modifikat;

F.

billi kemm l-inġestjoni mill-ħalq mill-annimali, intenzjonata jew aċċidentali, ta' fjuri tal-qronfol ĠM ġew esklużi mill-opinjoni tal-EFSA;

G.

billi l-qronfla tappartjeni għall-ispeċi Dianthus caryophyllus tal-ġeneru Dianthus li huwa kkultivat ħafna;

H.

billi membri tal-ġeneru Dianthus, inklużi speċi selvaġġi u domestikati, huma pjuttost differenti, peress li l-oriġini tagħhom jinstabu min-Nofsinhar tar-Russja sar-reġjuni Alpini tal-Greċja u l-muntanji ta' Auvergne fi Franza; billi Dianthus spp. huma adattati għar-reġjuni iktar friski Alpini tal-Ewropa u l-Asja, u jinstabu wkoll fir-reġjuni kostali tal-Mediterran; billi D. caryophyllus hija pjanta ornamentali kkoltivata ħafna fl-Ewropa, kemm fis-serer kif ukoll barra (jiġifieri fl-Italja u fi Spanja), u xi kultant hija nnaturalizzata f'xi pajjiżi tal-Mediterran iżda tidher li hija ristretta għal reġjuni kostali tal-Mediterran tal-Greċja, l-Italja, Korsika, Sardinja u Sqallija (5);

I.

billi l-pajjiżi ewlenin fil-produzzjoni tal-qronfol huma l-Italja, Spanja u n-Netherlands u billi d-Dianthus caryophyllus selvaġġ jinsab primarjament fi Franza u fl-Italja (6);

J.

billi Ċipru oġġezzjonat għan-notifika u l-Bord tal-OĠM tal-EFSA qabel ma' Ċipru li l-propagazzjoni tal-qronfol SHD-27531–4 (pereżempju tħaffir) minn individwi ma tistgħax tiġi eskluża; billi l-EFSA tikkunsidra li z-zkuk maqtugħin b'rimjiet veġetattivi jistgħu jiġu ppropagati permezz tat-tħaffir jew permezz tal-mikropropagazzjoni u rilaxxati fl-ambjent (pereżempju f'ġonna);

K.

billi fis-selvaġġ, id-dakkir inkroċjat tad-Dianthus spp. jitwettaq minn insetti pollinaturi, b'mod partikolari mill-Lepidoptera li għandhom proboxxidi ta' tul suffiċjenti biex jilħqu n-nettarini fil-bażi tal-fjuri; billi l-Bord tal-OĠM tal-EFSA huwa tal-fehma li l-potenzjal tat-tixrid tal-polline tal-qronfla ĠM SHD-27531-4 mil-Lepidoptera lill-ispeċi selvaġġi tad-Dianthus ma jistax jiġi eliminat;

L.

billi ladarba l-valur ornamentali tagħhom ikun spiċċa, id-Dianthus caryophyllus L., ġenetikament modifikat, linja SHD-27531–4 ser isir skart li, skont il-prinċipji ta' ekonomija ċirkolari, possibbilment ikun ġestit permezz ta' kompostjar, iżda billi l-EFSA ma analizzatx l-impatti ta' tali tixrid fl-ambjent;

M.

billi f'każ li joħorġu fl-ambjent permezz ta' żrieragħ vijabbli, il-polline jew pjanti bl-għeruq, il-Bord tal-OĠM tal-EFSA jikkunsidra li l-qronfla SHD-27531-4 ma turix karatteristiċi ta' idoneità msaħħa, ħlief meta esposta għal erbiċidi tas-sulfonilurea;

N.

billi l-qronfla ġenetikament modifikata tikkontjeni l-ġene SuRB (als) għal sintażi aċetolattat (ALS) mutant li ġej min-Nicotiana tabacum, li jagħti tolleranza lis-sulfonilurea;

O.

billi, skont il-PAN UK, “xi erbiċidi huma ferm tossiċi għall-pjanti, b'dożi baxxi ħafna, bħal sulfonilurea, is-sulfonammidi u l-imidażolinoni. Is-sulfonilurea ħadu post erbiċidi oħra li huma aktar tossiċi għall-annimali. Esperti wissew li l-użu mifrux tas-sulfonilureas ‘jista' jkollu impatt devastanti fuq il-produttività ta' uċuħ tar-raba' li mhumiex fil-mira tagħhom u l-għamla fiżika tal-komunitajiet tal-pjanti naturali u tal-katini tal-ikell tal-organiżmi selvaġġi’” (7);

P.

billi s-sulfonilurea huma għażliet komuni tat-tieni linja għall-ġestjoni tad-dijabete tat-tip 2 u huma assoċjati ma' riskju akbar ta' avvenimenti kardjovaskulari meta mqabbla ma' drogi antidiabetiċi oħra (8);

Q.

billi l-ħolqien ta' suq għal pjanti reżistenti għas-sulfonylurea jħeġġeġ l-użu dinji ta' din il-mediċina kontra d-dijabete bħala erbiċida;

R.

billi l-użu ta' mediċina għal skop ieħor għajr dak tas-saħħa pubblika li jwassal għat-tixrid mhux ikkontrollat tiegħu fl-ekosistemi jista' jkollu effetti ta' ħsara madwar id-dinja fuq il-bijodiversità u jikkawża l-kontaminazzjoni kimika tal-ilma tax-xorb;

1.

Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ma tissodisfax l-għan tal-ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent previst fid-Direttiva 2001/18/KE u għalhekk jeċċedi s-setgħat ta' implimentazzjoni previsti f'din id-Direttiva;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(3)  Bord tal-OĠM tal-EFSA (il-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati), 2015. Opinjoni xjentifika dwar notifika tal-Parti C (Referenza C/NL/13/01) minn Suntory Holdings Limited, għall-importazzjoni, id-distribuzzjoni u l-bejgħ bl-imnut tal-fjuri maqtugħa tal-qronfol SHD-27531-4 bil-kulur tal-petali modifikat għal użu ta' tiżjin. Ġurnal tal-EFSA 2015; 13(12):4358, 19 pp. doi:10.2903/j.efsa.2015.4358.

(4)  Bord tal-OĠM tal-EFSA (il-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati), 2014. Opinjoni xjentifika dwar l-oġġezzjonijiet ta' Stat Membru għal notifika (Referenza C/NL/13/01) għat-tqegħid fis-suq tal-qronfla ġenetikament modifikata SHD-27531-4 b'kulur modifikat, għall-importazzjoni ta' fjuri maqtugħa għal użu ornamentali, skont il-Parti C tad-Direttiva 2001/18/KE, minn Suntory Holdings Limited. Ġurnal tal-EFSA 2014; 12(11):3878, 9 p. (doi:10.2903/j.efsa.2014.3878).

(5)  Tutin et al., 1993.

(6)  http://gmoinfo.jrc.ec.europa.eu/csnifs/C-NL-13-01.pdf

(7)  http://www.pan-uk.org/pestnews/Issue/pn88/PN88_p4-7.pdf

(8)  http://thelancet.com/journals/landia/article/PIIS2213-8587(14)70213-X/fulltext


Il-Ħamis 9 ta’ Ġunju 2016

6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/114


P8_TA(2016)0274

Il-Kambodja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-Kambodja (2016/2753(RSP))

(2018/C 086/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja (1), tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-abbozzi ta' liġijiet dwar l-NGOs u t-trade unions tal-Kambodja (2) u tas-16 ta' Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet u l-attivisti tal-oppożizzjoni fil-Kambodja u fil-Laos (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tat-30 ta' Mejju 2016 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja,

wara li kkunsidra r-rapport tal-20 ta' Awwissu 2015 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-2 ta' Ottubru 2015 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-Kambodja,

wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet ta' konklużjoni tas-27 ta' April 2015 mill-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar it-tieni rapport perjodiku tal-Kambodja,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE tal-2008 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1997 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-8 ta' Marzu 1999 dwar id-Dritt u r-Responsabilità ta' Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' April 2016 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU li tħeġġeġ lill-Kambodja biex issaħħaħ il-ħarsien tan-nisa u d-drittijiet tal-popli indiġeni,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-2 ta' Mejju 2016 mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li tikkundanna l-akkużi kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet għall-Organizzazzjoni,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Kambodjana, b'mod partikolari l-Artikolu 41 tagħha, li fih huma minquxa d-drittijiet u l-libertajiet ta' espressjoni u tal-assemblea, l-Artikolu 35 dwar id-dritt ta' parteċipazzjoni politika u l-Artikolu 80 dwar l-immunità parlamentari,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fl-aħħar xhur kien hemm żieda kostanti fl-arresti ta' membri tal-oppożizzjoni politika, tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

B.

billi l-Prim Ministru Hun Sen ilu fil-poter għal aktar minn 30 sena; billi Sam Rainsy, il-President tal-partit tal-oppożizzjoni ewlieni, is-CNRP, għadu f'eżilju awtoimpost xprunat minn prosekuzzjonijiet preċedenti abbażi ta' akkużi foloz motivati politikament, u billi l-aġent president tas-CNRP, Kem Sokha, qiegħed jiġi sottopost għal investigazzjoni; billi fit-22 ta' April 2016, prosekutur tal-Qorti ta' Phnom Penh ħabbar li l-President tas-CNRP, Sam Rainsy, se jiffaċċja proċess in absentia abbażi ta' akkużi motivati politikament li se jingħata bidu fit-28 ta' Lulju 2016;

C.

billi fl-20 ta' Novembru 2015 Sam Rainsy ġie mħarrek minn qorti biex ikun interrogat fir-rigward ta' post ippubblikat fuq il-paġna ta' Facebook pubblika tiegħu minn senatur tal-oppożizzjoni, Hong Sok Hour, li ilu taħt arrest sa minn Awwissu 2015 fuq akkużi ta' falsifikazzjoni u tixwix wara li ppubblika fuq il-paġna ta' Facebook ta' Sam Rainsy filmat li fih jidher dokument allegatament falz relatat mat-trattat dwar il-fruntiera mal-Vjetnam tal-1979;

D.

billi fit-3 ta' Mejju 2016, il-Qorti Muniċipali ta' Phnom Penh ħarrket lil Kem Sokha fir-rigward tal-akkuża ta' inġurja kriminali, kif ukoll il-Membri Parlamentari Pin Ratana u Tok Vanchan, minkejja l-fatt li huma jgawdu l-immunità;

E.

billi fit-12 ta' Mejju 2016, l-analist politiku magħruf Ou Virak, ġie mħarrek ukoll fir-rigward ta' akkużi ta' inġurja wara li esprima l-opinjoni tiegħu dwar il-każ ta' Kem Sokha;

F.

billi fit-2 ta' Mejju 2016 tressqu akkużi motivati politikament kontra Ny Sokha, Nay Vanda u Yi Soksan (tliet avukati anzjani tad-drittijiet tal-bniedem mill-Assoċjazzjoni Kambodjana għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp (ADHOC)), ex membru tal-ADHOC Ny Chakrya, li hu l-viċi segretarju ġenerali tal-Kumitat Elettorali Nazzjonali (NEC), u l-membru tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (UN OHCHR) Soen Sally, u billi dawn jistgħu jingħataw sentenzi ta' mhux aktar minn 10 snin priġunerija;

G.

billi membru tal-oppożizzjoni tal-Assemblea Nazzjonali Um Sam An ġie mċaħħad mill-immunità parlamentari u ġie arrestat fil-11 ta' April 2016 fuq akkużi foloz ta' “tixwix biex joħloq konfużjoni fis-soċjetà” b'rabta mal-opinjonijiet mhux vjolenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kambodja u l-Vjetnam; billi huwa sussegwentement inżamm mill-pulizija Kontra t-Terroriżmu, ġie mressaq kontrih att ta' akkuża għal proċess u nżamm f'detenzjoni abbażi ta' dawn l-akkużi;

H.

billi fis-26 ta' April 2016, il-Qorti ta' Phnom Penh ressqet att ta' akkuża kontra Rong Chhun, ex mexxej tat-trade unions li hu attwalment membru tan-NEC, għal proċess abbażi ta' akkużi foloz motivati politikament ta' tixwix tal-vjolenza provokata mis-soppressjoni ta' strajkijiet tal-ħaddiema mill-forzi tas-sigurtà tal-gvern bejn l-aħħar ta' Diċembru 2013 u l-bidu ta' Jannar 2014; billi huwa ppjanat li jsiru żewġ elezzjonijiet importanti (l-elezzjonijiet komunali fl-2017 u l-elezzjonijiet parlamentari fl-2018), u billi l-eżerċizzju ta' pressjoni fuq in-NEC huwa metodu użat mill-gvern biex jinfluwenza dawn l-elezzjonijiet;

I.

billi fid-9 ta' Mejju 2016, tmien persuni li kienu qegħdin jipprotestaw paċifikament kontra l-arresti ta' membri tal-persunal tal-ADHOC, fosthom, Ee Sarom, Direttur tal-NGO Sahmakun Teang Tnaut, Thav Khimsan, il-Viċi Direttur tal-NGO LICADHO, kif ukoll konsulent Svediż u konsulent Ġermaniż tal-LICADHO, ġew arrestati u meħlusa ftit wara; billi fis-16 ta' Mejju 2016, ġara l-istess lil ħames dimostranti paċifiċi;

J.

billi l-UE hija l-akbar sieħeb tal-Kambodja f'termini ta' assistenza għall-iżvilupp, b'allokazzjoni ġdida għall-perjodu 2014-2020 li tammonta għal EUR 410 miljun; billi l-UE tappoġġja firxa wiesgħa ta' inizjattivi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-NGOs Kambodjani u minn organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili; billi l-Kambodja hija ferm dipendenti fuq l-għajnuna għall-iżvilupp;

K.

billi, fis-26 ta' Ottubru 2015, grupp ta' dimostranti favur il-gvern fi Phnom Penh attakkaw brutalment żewġ Membri Parlamentari tal-oppożizzjoni CNRP, Nhay Chamrouen u Kong Sakphea, u heddew is-sigurtà tar-residenza privata tal-ewwel Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali; billi rapporti ssuġġerew li l-pulizija u forzi tas-sigurtà oħra baqgħu josservaw b'mod passiv waqt li kienu qed iseħħu l-attakki; billi seħħew arresti fir-rigward ta' dawn l-attakki, iżda billi l-NGOs għad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja esprimew it-tħassib tagħhom li dawk li kienu verament wettqu l-attakki għadhom liberi;

L.

billi, minkejja kritika mifruxa mis-soċjetà ċivili u mill-komunità internazzjonali, il-promulgazzjoni tal-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-NGOs (LANGO) tat setgħat arbitrarji lill-awtoritajiet tal-istat biex jagħlqu u jibblokkaw il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem, u diġà bdiet tiskoraġġixxi l-ħidma tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja u tostakola l-azzjoni tas-soċjetà ċivili;

M.

billi sa mill-Approvazzjoni tal-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-NGOs (LANGO) fl-2015, l-awtoritajiet ċaħdu l-permessi għal avvenimenti ta' promozzjoni pubblika fuq skala kbira mmexxija minn NGOs u billi matul l-aħħar xhur, avvenimenti li seħħew b'rabta mal-Jum Dinji tal-Ħabitat, il-Jum Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Jum Internazzjonali tan-Nisa u l-Jum Internazzjonali tal-Ħaddiema kollha ġew sfrattati f'livelli differenti mill-forzi tal-pulizija, kif ġew sfrattati wkoll dimostrazzjonijiet oħra;

N.

billi s-Senat Kambodjan adotta l-Liġi dwar it-Trade Unions fit-12 ta' April 2016 u din imponiet restrizzjonijiet ġodda fuq id-dritt tal-ħaddiema għall-assoċjazzjoni u tat setgħat arbitrarji ġodda lill-gvern biex jirreprimi l-eżerċizzju ta' dak id-dritt mit-trade unions,

1.

Jesprimi tħassib profond dwar ambjent li dejjem sejjer għall-agħar għall-politiċi tal-oppożizzjoni u għall-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja u jikkundanna l-atti kollha ta' vjolenza, l-akkużi motivati politikament, id-detenzjoni arbitrarja, l-interrogatorji, is-sentenzi u d-dikjarazzjonijiet ta' ħtija fir-rgward ta' dawn il-persuni;

2.

Jiddeplora l-eskalazzjoni ta' akkużi motivati politikament u l-persekuzzjoni ġudizzjarja kontra d-difensuri u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari, is-sentenzi, l-akkużi u d-dikjarazzjonijiet ta' kundanna motivati politikament, b'rabta mal-ħidma leġittima ta' attivisti, kritiċi politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja;

3.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kambodjani jirrevokaw il-mandat ta' arrest u jwaqqgħu l-akkużi kollha miġjuba kontra l-mexxej tal-oppożizzjoni Sam Rainsy u l-membri tas-CNRP tal-Assemblea Nazzjonali u s-Senat, inkluż is-Senatur Hong Sok Hour; jitlob il-ħelsien immedjat tal-ħames difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li għadhom taħt arrest preventiv, jiġifieri Ny Sokha, Nay Vanda, Yi Soksan, Lim Mony u Ny Chakra, biex dawn il-politiċi, attivisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jitħallew jaħdmu liberament u mingħajr biża' ta' arrest jew persekuzzjoni, u li jintemm l-użu politiku tal-qrati biex jiġu persegwitati persuni abbażi ta' akkużi motivati politikament u foloz; jistieden lill-Assemblea Nazzjonali tirristabbilixxi lil Sam Rainsy, Um Sam An u Hong Sok Hour immedjatament u treġġa' l-immunità parlamentari tagħhom;

4.

Iħeġġeġ lill-Awtoritajiet Kambodjani jwaqqgħu l-akkużi kollha motivati politikament u proċedimenti kriminali oħra kontra l-ADHOC u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Kambodjani oħra, itemmu t-theddid kollu li jinfurzaw id-dispożizzjonijiet ripressivi tal-LANGO, flimkien ma' tentattivi oħra ta' intimidazzjoni u persekuzzjoni ta' difensuri u organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u jeħilsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet dawk kollha inkarċerati abbażi ta' akkużi motivati politikament u foloz;

5.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja jirrikonoxxi r-rwol leġittimu u utli li għandhom is-soċjetà ċivili, it-trade unions u l-oppożizzjoni politika biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u politiku globali tal-Kambodja;

6.

Iħeġġeġ lill-Gvern jaħdem biex isaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż li jikkonforma bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar il-pluraliżmu u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni;

7.

Ifakkar li ambjent ta' djalogu demokratiku ħieles mit-theddid huwa essenzjali għall-istabilità politika, għad-demokrazija u għal soċjetà paċifika fil-pajjiż, u jħeġġeġ lill-gvern jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura s-sigurtà tar-rappreżentanti kollha eletti demokratikament fil-Kambodja, irrispettivament mill-affiljazzjoni politika tagħhom;

8.

Jilqa' r-riforma tan-NEC permezz ta' emenda tal-Kostituzzjoni b'segwitu għall-ftehim ta' Lulju 2014 bejn il-Partit Popolari Kambodjan (is-CPP) u s-CNRP dwar ir-riformi elettorali; jenfasizza l-fatt li n-NEC issa jikkonsisti minn erba' rappreżentanti tas-CPP, erba' rappreżentanti tas-CNRP u rappreżentant tas-soċjetà ċivili;

9.

Jistieden lill-gvern jiżgura investigazzjonijiet kompluti u imparzjali, bil-parteċipazzjoni tan-NU, li jwasslu għall-prosekuzzjoni ta' dawk kollha responsabbli għall-attakk brutali reċenti fuq iż-żewġ membri tas-CNRP tal-Assemblea Nazzjonali minn membri tal-forzi armati u għall-użu ta' forza eċċessiva militari u tal-pulizija biex irażżnu dimostrazzjonijiet, strajkijiet, u ferment soċjali;

10.

Jistieden lill-awtoritajiet Kambodjani jwaqqgħu l-akkużi kollha kontra l-ex mexxej ta' trade union u membru tan-NEC Rong Chhun;

11.

Jistieden lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu parametri referenzjarji ċari għall-elezzjonijiet li ġejjin fil-Kambodja, konsistenti mad-dritt internazzjonali dwar il-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea, u biex jikkomunikaw pubblikament dawn il-parametri referenzjarji lill-awtoritajiet u lill-oppożizzjoni tal-Kambodja; jistieden lis-SEAE jagħmel l-ammont tal-assistenza finanzjarja tal-UE dipendenti fuq titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

12.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-Liġi l-ġdida dwar it-Trade Unions; iħeġġeġ lill-gvern biex jirrevoka l-Liġi dwar it-Trade Unions, il-LANGO u liġijiet simili li qed jillimitaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali u jheddu l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-gvern jiżgura li l-leġiżlazzjoni kollha relevanti għad-drittijiet tal-bniedem tkun f'konformità mal-Kostituzzjoni tal-Kambodja u mal-istandards internazzjonali;

13.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja jtemm l-iżgumbramenti furzati kollha u l-ħtif tal-art u jiżgura li kwalunkwe żgumbrament jitwettaq f'konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali;

14.

Jenfasizza l-importanza tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali u l-kontribut tagħha għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti; jistieden lin-NEC u l-awtoritajiet governattivi relevanti biex jiżguraw li l-votanti eliġibbli kollha, inklużi l-ħaddiema migranti u d-detenuti, ikollhom aċċess għal, u ħin li fih ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ minn, opportunitajiet ta' reġistrazzjoni;

15.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kambodja.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0413.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2015)0277.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2014)0044.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/118


P8_TA(2016)0275

It-Taġikistan: is-sitwazzjoni tal-priġunieri minħabba twemmin

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar it-Taġikistan: is-sitwazzjoni tal-priġunieri minħabba twemmin (2016/2754(RSP))

(2018/C 086/17)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 7, 8 u 9 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Taġikistan, min-naħa l-oħra (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali (2),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar implimentazzjoni u riezami tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tat-18 ta' Frar 2016 lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa dwar il-proċedimenti kriminali fit-Taġikistan tal-Partit tar-Rinaxximent Iżlamiku tat-Taġikistan (IRPT),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet taż-żjara lejn it-Taġikistan mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Asja Ċentrali tat-18 ta' Settembru 2015,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Ġunju 2016 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-sentenza tal-Qorti Suprema tat-Taġikistan lill-viċi mexxejja tal-Partit tar-Rinaxximent Iżlamiku għal għomor il-ħabs,

wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet preliminari maħruġa mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni tad-9 ta' Marzu 2016 fi tmiem iż-żjara tiegħu lejn it-Taġikistan,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali magħmula lit-Taġikistan fil-25 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-6 ta' Mejju 2016,

wara li kkunsidra d-Djalogi annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Taġikistan,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li jiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' għaqda, id-dritt għar-rispett għall-ħajja personali, privata u tal-familja tal-individwi u d-dritt għall-ugwaljanza, u jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fit-tgawdija ta' dawk id-drittijiet,

wara li kkunsidra l-Konferenza Reġjonali dwar il-Prevenzjoni tat-Tortura tas-27 sad-29 ta' Mejju 2014 u l-Konferenza Reġjonali dwar ir-Rwol tas-Soċjetà fil-Prevenzjoni tat-Tortura ta' bejn il-31 ta' Mejju u t-2 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tat-Taġikistan ta' Awwissu 2013 għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kumitat kontra t-Tortura,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fis-17 ta' Settembru 2009, il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għal Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tat-Taġikistan; billi l-FSK ġie ffirmat fl-2004 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2010; billi, b'mod partikolari, l-Artikolu 2 jiddikjara li “r-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali u tal-bniedem […] huma l-bażi tal-linji politiċi interni u esterni tal-Partijiet u huma parti essenzjali minn dan il-Ftehim”;

B.

billi, mill-1992, il-kooperazzjoni UE-Taġikistan espandiet għal firxa wiesgħa ta' oqsma, inklużi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, li huma l-bażi vera ta' kwalunkwe sħubija;

C.

billi l-UE għandha interess kruċjali li tintensifika l-kooperazzjoni politika, ekonomika u ta' sigurtà kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli u l-kooperazzjoni ta' paċi mar-reġjun tal-Asja Ċentrali permezz ta' relazzjoni UE-Taġikistan b'saħħitha u miftuħa bbażata fuq l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

D.

billi n-negozjant u l-kritiku tal-gvern magħruf ħafna Abubakr Azizkhodzhaev ilu detenut minn Frar 2016 wara li qajjem tħassib kritiku dwar prattiki korrotti ta' negozju; billi hu ġie akkużat permezz tal-Artikolu 189 tal-Kodiċi Kriminali tat-Taġikistan b'inċitament għall-mibegħda nazzjonali, razzjali, reġjonali u reliġjuża;

E.

billi membri tal-oppożizzjoni politika tat-Taġikistan tpoġġew fil-mira sistematikament; billi f'Settembru 2015 il-Partit tar-Rinaxximent Iżlamiku tat-Taġikistan (IRPT) ġie pprojbit wara li ġie marbut ma' tentattiv ta' kolp ta' stat aktar kmieni dak ix-xahar immexxi minn ġeneral, Abdukhalim Nazarzoda, li nqatel flimkien ma' 37 sostenitur tiegħu; billi l-awtoritajiet diġà arrestaw madwar 200 membru tal-IRPT;

F.

billi fi Frar 2016, il-Qorti Suprema bdiet tisma' kawżi kontra 13-il membru tal-Kunsill Politiku tal-IRPT, kif ukoll erba' individwi oħrajn assoċjati mal-partit, li ġew akkużati b'offiżi ta' “estremiżmu” minħabba l-involviment allegat tagħhom fl-attakki ta' Settembru 2015; billi ħafna membri tal-IRPT ġew arrestati u jiffaċċjaw proċedimenti kriminali mingħajr il-garanzija ta' proċess ġust; billi Zaid Saidov, negozjant u persunaġġ tal-oppożizzjoni magħruf ħafna, kien ikkundannat għal 29 sena ħabs fi prosekuzzjonijiet marbuta mal-ħruġ tiegħu għall-elezzjonijiet presidenzjali ta' Novembru 2013; billi Umarali Kuvatov inqatel f'Istanbul f'Marzu 2015 u attivist ieħor, Maksud Ibragimov, qala' daqqiet ta' sikkina u nħataf fir-Russja qabel ma rritorna lejn it-Taġikistan u ġie kkundannat għal 17-il sena ħabs f'Lulju 2015;

G.

billi fit-2 ta' Ġunju 2016 il-Qorti Suprema f'Dushanbe ikkundannat lil Mahmadali Hayit u lil Saidumar Hussaini, viċi mexxejja tal-IRPT ipprojbit, għal għomor il-ħabs fuq akkużi li fl-2015 kienu l-moħħ wara attentat ta' kolp ta' stat; filwaqt li 11-il membru ieħor tal-IRPT ingħataw sentenza ta' ħabs; billi tlett iqraba tal-mexxej tal-IRPT, Muhiddin Kabiri, intefgħu l-ħabs talli naqsu milli jirrappurtaw delitt mhux speċifikat; billi l-proċedimenti fil-qorti ma kinux trasparenti u kisru d-drittijiet tal-akkużat għal proċess ġust;

H.

billi bosta avukati li applikaw biex jaġixxu bħala avukati tad-difiża għall-imputati tal-IRPT irċevew theddid ta' mewt u ġew arrestati, detenuti u ntefgħu l-ħabs; billi l-arresti ta' Buzurgmehr Yorov, Nodira Dodajanova, Nuriddin Mahkamov, Shukhrat Kudratov u Firuz u Daler Tabarov iqajmu tħassib serju dwar il-konformità mal-istandards internazzjonali dwar l-indipendenza tal-avukati, il-proċessi bil-magħluq u l-aċċess limitat għal rappreżentazzjoni ġuridika; billi diversi ġurnalisti ġew ukoll detenuti, intimidati u ġarrbu fastidju; billi l-libertà ta' espressjoni, l-aċċess għall-midja u l-pluraliżmu politiku u ideoloġiku, inkluż fil-qasam tar-reliġjon, iridu jiġu rikonoxxuti skont il-kostituzzjoni tat-Taġikistan;

I.

billi l-Liġi tal-2015 dwar l-Advokatura kienet teħtieġ ċertifikazzjoni sħiħa mill-ġdid tal-avukati difensuri u introduċiet għadd ta' restrizzjonijiet dwar min jista' jippratika l-liġi, u hija għaldaqstant konduċenti għal interferenza possibbli fl-indipendenza tax-xogħol tal-avukati;

J.

billi l-emendi reċenti fil-Liġi dwar l-Assoċjazzjoni Pubblika, li daħlu fis-seħħ fl-2015, ifixklu l-operat tas-soċjetà ċivili billi jimponu l-iżvelar finanzjarju tas-sorsi ta' finanzjament tal-NGOs;

K.

billi fid-dikjarazzjoni tagħha, id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-osservazzjoni ta' elezzjonijiet għall-elezzjonijiet parlamentari fit-Taġikistan tat-2 ta' Marzu 2015 enfasizzat nuqqasijiet sinifikanti;

L.

billi l-istampa, is-siti web, il-midja soċjali u l-fornituri tal-internet fit-Taġikistan joperaw f'ambjent restrittiv fejn hija mifruxa l-awtoċensura; billi l-gvern juża leġiżlazzjoni u regolamentazzjoni tal-midja restrittivi biex joħnoq rappurtar indipendenti u b'mod regolari jimblokka l-mezzi tal-midja online u n-netwerks tal-midja soċjali;

M.

billi fi Frar 2015 ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra qajjem tħassib dwar it-tortura, it-trattament ħażin u l-impunità li għaddejjin bħalissa fir-rapport ta' segwitu dwar il-missjoni tiegħu lejn it-Taġikistan ta' Frar 2014;

N.

billi l-klassifikazzjoni tal-indiċi ta' korruzzjoni tat-Taġikistan jibqa' għoli b'mod inkwetanti;

O.

billi l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) huwa għodda importanti ta' finanzjament bil-għan li jappoġġja l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż kif ukoll fir-reġjun;

P.

billi fit-22 ta' Mejju 2016, it-Taġikistan kellu referendum dwar bidliet kostituzzjonali li jippermettu lill-president fil-kariga Emomali Rahmon joħroġ mill-ġdid għall-elezzjoni b'mod indefinit;

1.

Jappella għall-ħelsien ta' dawk kollha li ġew mitfugħa l-ħabs fuq akkużi motivati politikament, inklużi Abubakr Azizkhodzhaev, Zaid Saidov, Maksud Ibragimov, il-viċi mexxejja tal-IRPT Mahmadali Hayit u Saidumar Khusaini, u 11-il membru ieħor tal-IRPT;

2.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Taġikistani jannullaw is-sentenzi, u jirrilaxxaw lill-prokuraturi u lill-avukati, inklużi Buzurgmehr Yorov, Nodira Dodajanova, Nuriddin Mahkamov, Shukhrat Kudratov u Firuz u Daler Tabarov;

3.

Jenfasizza l-importanza ta' relazzjonijiet bejn l-UE u t-Taġikistan u tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-oqsma kollha; jenfasizza l-interess tal-UE f'relazzjoni sostenibbli mat-Taġikistan f'dak li jikkonċerna l-kooperazzjoni politika u ekonomika; jenfasizza li r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi mal-UE huma marbuta fil-fond mal-kondiviżjoni tal-valuri dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif previst mill-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni;

4.

Jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda fl-għadd ta' detenzjonijiet u arresti ta' avukati tad-drittijiet tal-bniedem, membri tal-oppożizzjoni politika u l-qraba tagħhom, restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-midja u l-internet u l-komunikazzjoni mobbli, u l-limitazzjoni ta' espressjoni reliġjuża;

5.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tat-Taġikistan jipprovdu lill-prokuraturi tad-difiża u lill-persunaġġi politiċi bi proċessi ġusti, miftuħa u trasparenti biex jipprovdu protezzjonijiet sustantivi u garanziji proċedurali skont l-obbligi internazzjonali tat-Taġikistan u jawtorizzaw l-investigazzjoni mill-ġdid mill-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-ksur kollu rrappurtat kontra d-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem; jappella biex dawk kollha mitfugħa l-ħabs jew detenuti jingħataw aċċess għal servizzi ġuridiċi indipendenti, flimkien mad-dritt li jiltaqgħu mal-membri tal-familja tagħhom b'mod regolari; ifakkar li, għal kull sentenza maħruġa, trid tiġi ppreżentata evidenza ċara li tiġġustifika l-akkużi kriminali miġjuba kontra l-imputat;

6.

Jistieden lill-Gvern Taġikistani jippermetti lil gruppi tal-oppożizzjoni joperaw liberament u jeżerċitaw il-libertajiet ta' għaqda, assoċjazzjoni, espressjoni u reliġjon, f'konformità ma' normi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-kostituzzjoni tat-Taġikistan;

7.

Jenfasizza li l-ġlieda leġittima kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti m'għandhiex tintuża bħala skuża biex trażżan l-attività tal-oppożizzjoni, timpedixxi l-libertà tal-espressjoni jew ixxekkel l-indipendenza tal-ġudikatura; ifakkar li l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini kollha Taġikistani jridu jiġu ggarantiti, u jinżamm l-istat tad-dritt;

8.

Jappella lill-parlament Taġikistani jieħu kont tal-fehmiet tal-midja indipendenti u tas-soċjetà ċivili fil-kunsiderazzjonijiet tiegħu tal-emendi proposti lil-Liġi dwar il-Midja fir-rigward tal-liċenzji tal-midja; jappella lill-awtoritajiet Taġikistani jieqfu milli jkomplu jimblukkaw is-siti web tal-aħbarijiet;

9.

Jappella lill-awtoritajiet Taġikistani jikkonformaw mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet Pubbliċi u l-Liġi dwar it-Tribunal u l-Prattika tal-Liġi; jappella lill-Gvern Taġikistani jiżgura li l-avukati kollha, inklużi dawk li jiddefendu lill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, lill-membri IRPT, lill-vittmi tat-tortura u lill-klijenti akkużati b'estremiżmu, ikunu kapaċi jwettqu l-ħidma tagħhom b'mod liberu, mingħajr biża' ta' theddid jew fastidju;

10.

Jilqa' numru ta' passi pożittivi li ħa l-Gvern Taġikistani, bħad-dekriminalizzazzjoni tal-malafama u l-insult fl-2012, u jitlob li jkun hemm implimentazzjoni xierqa tal-Kodiċi Kriminali tal-pajjiż; jilqa' l-iffirmar tal-leġiżlazzjoni li tintroduċi emendi lill-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (CPC) u l-Liġi dwar il-Proċeduri ta' Detenzjoni u l-Kundizzjonijiet għas-Suspettati, il-Persuni Akkużati u l-Imputati, u jappella lill-awtoritajiet Taġikistani jiżguraw li dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi huma implimentati mingħajr dewmien;

11.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-Djalogi annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Taġikistan, li għandhom jindirizzaw ukoll il-kontenut ta' din ir-riżoluzzjoni; jenfasizza l-importanza ta' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem li huma effikaċi u orjentati lejn ir-riżultati bejn l-UE u l-awtoritajiet Taġikistani bħala għodda li tiffaċilita it-tnaqqis ta' tensjoni fis-sitwazzjoni politika fil-pajjiż kif ukoll it-tnedija ta' riformi komprensivi;

12.

Jitlob lill-UE, u b'mod partikolari lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, iwettqu monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt fit-Taġikistan, speċjalment id-dritt ta' assoċjazzjoni u d-dritt li jiġu ffurmati partiti politiċi, fil-kuntest tal-elezzjonijiet parlamentari li jmiss fl-2020, iqajmu tħassib mal-awtoritajiet Taġikistani fejn meħtieġ, joffru assistenza u jirrappurtaw b'mod regolari lill-Parlament; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE f'Dushanbe tkompli twettaq rwol attiv;

13.

Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tat-Taġikistan jiżguraw segwitu xieraq u implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali;

14.

Jesprimi tħassib serju dwar l-użu mifrux tat-tortura, u jħeġġeġ lill-Gvern Taġikistani jimplimenta l-Pjan ta' Azzjoni tiegħu ta' Awwissu 2013 għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kumitat kontra t-Tortura;

15.

Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni mibgħuta mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa għall-elezzjonijiet parlamentari tal-1 ta' Marzu 2015 fit-Taġikistan, li jiddikjaraw li dawk l-elezzjonijiet “seħħew fi spazju politiku ristrett u ma rnexxilhomx jassiguraw kundizzjonijiet ekwi għall-kandidati”, u jappella lill-awtoritajiet Taġikistani jindirizzaw fi żmien xieraq ir-rakkomandazzjonijiet kollha mressqa f'dawn il-konklużjonijiet;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Asja Ċentrali, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u l-President tat-Taġikistan Emomali Rahmon.


(1)  ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 12.

(2)  ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 91.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2016)0121.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/122


P8_TA(2016)0276

Il-Vjetnam

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-Vjetnam (2016/2755(RSP))

(2018/C 086/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Vjetnam,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Diċembru 2015 mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-arrest tal-avukat Nguyễn Văn Đài,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tas-7 ta' Marzu 2016,

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kelliem tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-13 ta' Mejju 2016 f'Ġinevra, dwar it-Turkija, il-Gambja u l-Vjetnam,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Ġunju 2016 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, Heiner Bielefeldt, u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-tortura, Juan E. Méndez, li ġiet endorsjata mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, Michel Forst, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, Maina Kiai, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni, David Kaye, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-vjolenza kontra n-nisa, il-kawżi u l-konsegwenzi tagħha, Dubravka Šimonović, u l-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam iffirmat fis-27 ta' Ġunju 2012 u d-djalogu annwali UE-Vjetnam dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Gvern tal-Vjetnam, li l-aħħar laqgħa tiegħu nżammet fil-15 ta' Diċembru 2015,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Vjetnam aderixxa miegħu fl-1982,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, li tagħha l-Vjetnam huwa parti stat kontraenti sa mill-1982,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura, li ġiet irratifikata mill-Vjetnam fl-2015,

wara li kkunsidra l-Eżitu tal-Eżami Perjodiku Universali dwar il-Vjetnam mill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-28 ta' Jannar 2014,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-UE tqis li l-Vjetnam huwa sieħeb importanti fl-Asja; billi fl-2015 seħħ il-25 anniversarju tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Vjetnam; billi dawn ir-relazzjonijiet ġew estiżi rapidament mill-kummerċ u l-għajnuna għal relazzjoni aktar globali;

B.

billi l-Vjetnam ilu Stat b'partit wieħed sa mill-1975, fejn il-Partit Komunista tal-Vjetnam (CPV) ma jippermetti l-ebda kontestazzjoni għat-tmexxija tiegħu u jikkontrolla l-Assemblea Nazzjonali u l-qrati;

C.

billi l-awtoritajiet Vjetnamiżi ħadu miżuri ħorox b'reazzjoni għal serje ta' dimostrazzjonijiet li seħħew fil-pajjiż kollu f'Mejju 2016, li kienu organizzati insegwitu ta' katastrofu ekoloġiku li qered l-istokkijiet tal-ħut tal-pajjiż;

D.

billi avukat u attivist tad-drittijiet tal-bniedem Vjetnamiż Lê Thu Hà, ġie arrestat fis-16 ta' Diċembru 2015, fl-istess waqt li ġie arrestat għal twettiq ta' propaganda kontra l-istat, sieħbu Nguyễn Văn Đài, avukat prominenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; billi fit-22 ta' Frar 2016, id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Trần Minh Nhật ġie attakkat minn uffiċjal tal-pulizija f'daru fid-distrett ta' Lâm Hà fil-Provinċja ta' Lâm Đồng; billi Trần Huỳnh Duy Thức, li ntbagħat il-ħabs fl-2009 wara proċess mingħajr difiża effettiva, ġie kkundanat b'sentenza ta' 16-il sena segwiti minn ħames snin ta' arrest domiċiljarju; billi hemm tħassib serju għall-qagħda tas-saħħa li sejra għall-agħar tad-dissident Buddist Thích Quảng Độ, li bħalissa qiegħed taħt arrest domiċiljarju;

E.

billi partiti politiċi indipendenti, trejdjunjins u organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem huma pprojbiti fil-Vjetnam, u hemm bżonn ta' approvazzjoni uffiċjali għal-laqgħat pubbliċi; billi xi protesti paċifiċi ġew kontrollati sew mill-pulizija, u l-attivisti prominenti nżammu taħt arrest domiċiljari, filwaqt li dimostrazzjonijiet oħra ġew sfrattati jew ġew projbiti għalkollox milli jsiru;

F.

billi l-miżuri b'firxa wiesgħa tal-pulizija biex jipprevjenu u jikkastigaw il-parteċipazzjoni fid-dimostrazzjonijiet irriżultaw f'għadd ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi t-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti, kif ukoll fi vjolazzjonijiet tad-drittijiet bażiċi ta' għaqda paċifika u ta' libertà ta' moviment; billi l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni u t-trattament tal-priġunieri huma ħorox, b'rapporti ta' mill-inqas seba' mwiet fil-kustodja tal-pulizija fl-2015 li fir-rigward tagħhom tqajmu suspetti ta' każijiet ta' tortura jew forom oħra ta' trattament ħażin mill-pulizija;

G.

billi, minkejja li aċċetta 182 mill-227 rakkomandazzjoni ppreżentati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-eżami perjodika tagħha ta' Ġunju 2014, il-Vjetnam irrifjuta r-rakkomandazzjonijiet bħalma huma l-ħelsien tal-priġunieri politiċi u l-persuni detenuti mingħajr akkuża jew proċess, ir-riforma legali biex tintemm il-priġunerija politika, il-ħolqien ta' istituzzjoni nazzjonali indipendenti għad-drittijiet tal-bniedem u miżuri oħra mmirati lejn il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku; billi, madankollu, il-Vjetnam reċentement ippermetta gruppi internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem jiltaqgħu mar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni u uffiċjali tal-gvern għall-ewwel darba mit-tmiem tal-Gwerra tal-Vjetnam;

H.

billi l-Vjetnam jibqa' jinvoka dispożizzjonijiet fil-kodiċi kriminali relatati mas-“sigurtà nazzjonali”, ifformulati b'mod vag bħal pereżempju “propaganda kontra l-istat”, “sovversjoni” jew “abbuż tal-libertajiet demokratiċi” sabiex jinkrimina u jsikket lid-dissidenti politiċi, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lil dawk li jitqiesu kritiċi fil-konfronti tal-gvern;

I.

billi f'Mejju 2016, il-korrispondent tal-BBC, Jonathan Head, ġie allegatament ipprojbit milli jkopri ż-żjara tal-President Obama fil-Vjetnam u ġie privat mill-akkreditazzjoni, mingħajr ma ngħatatlu raġuni uffiċjali; billi l-liċenzja ta' ġurnalist ta' Kim Quốc Hoa, l-eks Kap Editur tal-gazzetta Người Cao Tuổi, ġiet revokata fil-bidu tal-2015 u aktar tard ġie mħarrek bis-saħħa tal-Artikolu 258 tal-kodiċi kriminali għal abbuż tal-libertajiet demokratiċi, wara li l-gazzetta esponiet għadd ta' uffiċjali korrotti;

J.

billi fil-klassifika tal-2016 tal-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-organizzazzjoni Reporters mingħajr fruntieri, il-Vjetnam jinsab fil-175 post minn 180 pajjiż u billi l-midja tal-istampa u tax-xandir hija kkontrollata mill-partit CPV, mill-militari jew entitajiet oħra tal-gvern; billi d-Digriet 72 tal-2013 ikompli jillimita d-diskors fuq blogs u l-midja soċjali, u d-Digriet 174 tal-2014 japplika pieni ħorox fuq il-midja soċjali u l-utenti tal-internet li jesprimu “propaganda kontra l-istat” jew “ideoloġiji reazzjonarji”;

K.

billi l-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin hija ripressa u ħafna minoranzi reliġjużi qed isofru persekuzzjoni reliġjuża ħarxa, inklużi membri tal-Knisja Kattolika u reliġjonijiet mhux rikonoxxuti bħalma huma l-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, għadd ta' knejjes Protestanti u membri tal-minoranza etniko-reliġjuża Montagnard, kif osserva r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin meta żar il-Vjetnam;

L.

billi f'April 2016, il-Vjetnam adotta Liġi dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni u Liġi dwar l-Istampa emendata li jirrestrinġu l-libertà ta' espressjoni u jsaħħu ċ-ċensura, kif ukoll regolamenti li jipprojbixxu dimostrazzjonijiet barra mill-qrati waqt li jkunu għaddejjin il-proċessi;

M.

billi fl-Indiċi ta’ Disparità bejn is-Sessi tal-Forum Ekonomiku Dinji, il-Vjetnam niżel mit-42opost fl-2007 għat-83 post fl-2015, u billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa kkritikat lill-awtoritajiet Vjetnamiżi talli naqsu milli jihfmu “il-kunċett ta' ugwaljanza sostantiva tal-ġeneru”; billi minkejja li sar xi progress, il-vjolenza domestika, it-traffikar ta' nisa u bniet, il-prostituzzjoni, l-HIV/AIDS u l-ksur tad-drittijiet sesswali u riproduttivi għadhom jirrappreżentaw problema fil-Vjetnam;

N.

billi l-Ftehim Komprensiv ta' Sħubija u Kooperazzjoni għandu l-għan li jistabbilixxi sħubija moderna, b'bażi estensiva u ta' benefiċċju reċiproku, abbażi ta' interessi u prinċipji kondiviżi bħalma huma l-ugwaljanza, ir-rispett reċiproku, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

O.

billi l-UE faħħret lill-Vjetnam għall-progress kontinwu fil-qasam tad-drittijiet soċjoekonomiċi, filwaqt li tesprimi tħassib persistenti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet politiċi u ċivili; billi, madankollu, fid-djalogu annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-UE qajmet il-kwistjonijiet dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-midja u l-libertà ta' għaqda;

P.

billi l-UE hija l-akbar suq ta' esportazzjoni tal-Vjetnam; billi l-UE flimkien mal-Istati Membri tagħha hija l-akbar fornitur ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp lill-Vjetnam, u billi se jkun hemm żieda fil-baġit tal-UE ta' 30 % għal dan il-għan għal EUR 400 miljun fl-2014-2020;

1.

Jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ tas-sħubija u d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam; ifaħħar ir-ratifika mill-Vjetnam fis-sena preċedenti tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura;

2.

Jistieden lill-Gvern tal-Vjetnam iwaqqaf minnufih kull fastidju, intimidazzjoni, u persekuzzjoni tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, tal-attivisti soċjali u ta' dawk ambjentali; jinsisti li l-Gvern għandu jirrispetta d-dritt ta' dawn l-attivisti għal protesti paċifiċi u għandu jillibera lil dawk li għadhom inġustament miżmuma; jitlob ir-rilaxx immedjat ta' dawk kollha li ġew indebitament arrestati u ntbagħtu l-ħabs bħal Lê Thu Hà, Nguyễn Văn Đài, Trần Minh Nhật, Trần Huỳnh Duy Thức u Thích Quảng Độ;

3.

Jesprimi tħassib serju dwar il-livelli dejjem akbar ta' vjolenza li qed titwettaq kontra dimostranti Vjetnamiżi li jkunu qed jesprimu r-rabja tagħhom dwar l-imwiet tal-massa tal-ħut matul il-kosta ċentrali tal-pajjiż; jitlob għall-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-investigazzjonijiet fuq id-diżastru ambjentali u biex dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom; jitlob lill-Gvern tal-Vjetnam jirrispetta d-dritt għal-libertà ta' għaqda f'konformità mal-obbligi internazzjonali tiegħu fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

4.

Jikkundanna l-kundanni u l-pieni ħorox mogħtija lill-ġurnalisti u l-bloggers fil-Vjetnam bħalma huma Nguyễn Hữu Vinh u l-kollega tiegħu Nguyễn Thị Minh Thúy, u Đặng Xuân Diệu, u jappella għall-ħelsien tagħhom;

5.

Jiddeplora l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam, inkużi l-intimidazzjoni politika, il-fastidju, l-aggressjoni, l-arresti arbitrarji, il-pieni ħorox ta' priġunerija u l-proċessi inġusti, imwettaq kontra attivisti politiċi, ġurnalisti, bloggers, dissidenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kemm onlajn kif ukoll offlajn, ksur li jmur biċ-ċar kontra l-obbligi internazzjonali tal-Vjetnam fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

6.

Jesprimi tħassib dwar il-kunsiderazzjoni mill-Assemblea Nazzjonali ta' Liġi dwar l-Għaqdiet u ta' Liġi dwar it-Twemmin u r-Reliġjon li huma inkompatibbli man-normi internazzjonali tal-libertà ta' għaqda u l-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin;

7.

Iħeġġeġ lill-Vjetnam isaħħaħ aktar il-kooperazzjoni mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem u jtejjeb il-konformità ma' mekkaniżmi ta' rappurtar tal-korpi previsti mit-trattati; itenni l-appell tiegħu għal progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perijodiku Universali;

8.

Itenni t-talba tiegħu għar-reviżjoni ta' artikoli speċifiċi fil-kodiċi kriminali Vjetnamiż li huma użati biex titrażżan il-libertà ta' espressjoni; iqis li huwa ta' dispjaċir li l-ebda wieħed mit-18 000 priġunier li ngħataw amnestija fit-2 ta' Settembru 2015 ma kien priġunier politiku; jikkundanna l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni u fil-ħabsijiet tal-Vjetnam u jitlob li l-awtoritajiet Vjetnamiżi jiggarantixxu l-aċċess bla restrizzjonijiet għal konsulenza legali;

9.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Vjetnam jistabbilixxi mekkaniżmi ta' responsabbiltà effikaċi għall-forzi tal-pulizija u għall-aġenziji ta' sigurtà tiegħu, bl-għan li jitwaqqaf l-abbuż kontra l-priġunieri u d-detenuti;

10.

Jitlob lill-awtoritajiet itemmu l-persekuzzjoni reliġjuża u jemendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar l-istatus tal-komunitajiet reliġjużi bil-għan li jerġa' jiġi stabbilit l-istatus ġuridiku tar-reliġjonijiet mhux rikonoxxuti; Jitlob lill-Vjetnam jirtira l-ħames abbozz tal-Liġi dwar it-Twemmin u r-Reliġjon, li bħalissa għaddejja minn dibattitu fl-Assemblea Nazzjonali, u jħejji abbozz ġdid li jkun konformi mal-obbligi tal-Vjetnam fis-sens tal-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; jappella għall-ħelsien tal-mexxejja reliġjużi, inklużi l-Pastor Nguyễn Công Chính, Trần Thị Hồng u Ngô Hào;

11.

Jitlob li l-Vjetnam jiġġieled lid-diskriminazzjoni kontra n-nisa billi jintroduċi leġiżlazzjoni kontra t-traffikar u billi jieħu passi effettivi biex irażżan il-vjolenza domestika u l-ksur tad-drittijiet riproduttivi;

12.

Ifaħħar lill-Vjetnam għar-rwol ewlieni tiegħu fl-Asja fir-rigward tal-iżvilupp tad-drittijiet tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI), b'mod partikolari l-liġi adottata reċentement dwar iż-żwieġ u l-familja li tippermetti ċerimonji taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess;

13.

Jitlob lill-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem teżamina s-sitwazzjoni dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam, b'enfasi speċjali fuq il-libertà ta' espressjoni, u toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-pajjiż;

14.

Jistieden lill-Gvern Vjetnamiż joħroġ stedina permanenti għall-Proċeduri Speċjali tan-NU, u b'mod partikolari stediniet lir-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà ta' espressjoni u lir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

15.

Jitlob lill-UE żżid id-djalogu politiku tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Vjetnam fil-qafas tal-Ftehim Komprensiv ta' Sħubija u Kooperazzjoni;

16.

Jitlob lid-Delegazzjoni tal-UE tuża l-għodod u l-istrumenti xierqa kollha biex takkumpanja lill-Gvern tal-Vjetnam f'dawn il-passi u jappoġġjaw u jipproteġu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-importanza tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-awtoritajiet Vjetnamiżi, b'mod partikolari jekk dan id-djalogu jiġi segwit minn implimentazzjoni reali; jisħaq li dan id-djalogu għandu jkun effikaċi u orjentat lejn ir-riżultati;

17.

Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Gvern Vjetnamiż fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN u l-appoġġ tiegħu għas-sħubija tal-EU mas-Summit tal-Asja tal-Lvant;

18.

Ifaħħar lill-Vjetnam talli laħaq għadd sinifikanti ta' Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, u jistieden lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni jkomplu jipprovdu appoġġ kontinwu lill-awtoritajiet Vjetnamiżi u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż fl-ambitu tal-Aġenda għall-Iżvilupp ta' wara l-2015;

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati membri tal-ASEAN, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/126


P8_TA(2016)0279

Amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 għal amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti (2016/2610(RSP))

(2018/C 086/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba huwa dritt fundamentali,

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti (O-000079/2016 – B8-0705/2016),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Liġi ta' Proċedura Amministrattiva tal-Unjoni Ewropea (1),

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5), 123(2) u 46(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013, il-Parlament, skont l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), talab għall-adozzjoni ta' regolament dwar amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti, skont l-Artikolu 298 TFUE, iżda, minkejja l-fatt li r-riżoluzzjoni ġiet adottata b'maġġoranza kbira ħafna (572 favur, 16 kontra, 12-il astensjoni), it-talba tal-Parlament ma ġietx segwita minn proposta tal-Kummissjoni;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-proposta mehmuża għal regolament;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva biex tiġi inkluża fil-programm ta' ħidma tagħha għas-sena 2017;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 440, 30.12.2015, p. 17.


Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

għaal amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 298 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)

Bl-iżvilupp tal-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini qegħdin dejjem jiġu kkonfrontati aktar mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, mingħajr ma jkollhom dejjem id-drittijiet proċedurali tagħhom protetti b'mod adegwat.

(2)

F'Unjoni li hija suġġetta għall-istat tad-dritt, huwa neċessarju li jkun żgurat li d-drittijiet proċedurali u l-obbligi huma dejjem definiti, żviluppati u mħarsa b'mod xierqa. Iċ-ċittadini huma intitolati li jistennew livell għoli ta' trasparenza, effiċjenza, eżekuzzjoni rapida u risponsi adegwati mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. Iċ-ċittadini huma wkoll intitolati li jirċievu informazzjoni adegwata dwar il-possibbiltà li jieħdu azzjoni ulterjuri dwar din il-kwistjoni.

(3)

Ir-regoli u l-prinċipji eżistenti dwar l-amministrazzjoni tajba jinsabu mferrxin f'varjetà wiesgħa ta' sorsi: il-liġi primarja, il-liġi sekondarja, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-liġi mhux vinkolanti u l-impenji unilaterali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(4)

Matul is-snin, l-Unjoni żviluppat għadd estensiv ta' proċeduri amministrattivi settorjali, fil-forma kemm ta' dispożizzjonijiet vinkolanti kif ukoll ta' liġi mhux vinkolanti, mingħajr ma neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-koerenza ġenerali tas-sistema. Din il-varjetà kumplessa ta' proċeduri rriżultat f'nuqqasijiet u f'inkonsistenzi f'dawn il-proċeduri.

(5)

Il-fatt li l-Unjoni nieqsa minn ġabra koerenti u komprensiva ta' regoli kodifikati tal-liġi amministrattiva jagħmel diffiċli għaċ-ċittadini biex jifhmu d-drittijiet amministrattivi tagħhom taħt il-liġi tal-Unjoni.

(6)

F'April tas-sena 2000, l-Ombudsman Ewropew ippropona lill-istituzzjonijiet, Kodiċi ta' Kondotta Amministrattiva Tajba fuq il-bażi li l-istess kodiċi għandu japplika għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni.

(7)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2001, il-Parlament approva l-abbozz ta' Kodiċi tal-Ombudsman Ewropew b'emendi u stieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal regolament li jkun fih Kodiċi ta' Kondotta Amministrattiva Tajba bbażat fuq l-Artikolu 308 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

(8)

Il-kodiċi ta' kondotta interni eżistenti adottati sussegwentement mill-istituzzjonijiet differenti, ibbażati l-iktar fuq dak il-kodiċi tal-Ombudsman, għandhom effett limitat, ivarjaw bejniethom u mhumiex legalment vinkolanti.

(9)

Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona ta lill-Unjoni bażi ġuridika għall-adozzjoni ta' Regolament ta' Proċedura Amministrattiva. L-Artikolu 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-adozzjoni tar-regolamenti biex jiġi żgurat li meta jkunu qed iwettqu l-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona ta wkoll lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) l-istess valur legali bħat-Trattati.

(10)

Titolu V (“Id-drittijiet taċ-Ċittadini”) tal-Karta jistabbilixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba fl-Artikolu 41, li jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt li jkollha l-affarijiet tagħha trattati b'mod imparzjali, b'mod ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. L-Artikolu 41 tal-Karta jindika wkoll, b'mod mhux eżawrjenti, ċerti elementi inklużi fid-definizzjoni tad-dritt għal amministrazzjoni tajba bħad-dritt li persuna tkun mismugħa, id-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għal fajl tagħha, id-dritt li jingħataw raġunijiet għal deċiżjoni tal-amministrazzjoni u l-possibbiltà ta' talba għal danni kkawżati mill-istituzzjonijiet jew mill-uffiċjali tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom, u d-drittijiet lingwistiċi.

(11)

Amministrazzjoni effiċjenti tal-Unjoni hija essenzjali għall-interess pubbliku. Eċċess, kif ukoll nuqqas ta' regoli u proċeduri jistgħu jwasslu għal amministrazzjoni ħażina, li tista' tirriżulta wkoll mill-eżistenza ta' regoli u proċeduri kontradittorji, inkonsistenti jew mhux ċari.

(12)

Proċeduri amministrattivi strutturati sew u konsistenti jsostnu kemm amministrazzjoni effiċjenti kif ukoll infurzar tajjeb tad-dritt għal amministrazzjoni tajba ggarantit bħala prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u taħt l-Artikolu 41 tal-Karta.

(13)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 il-Parlament Ewropew talab għall-adozzjoni ta' regolament dwar Liġi Ewropea ta' Proċedura Amministrattiva li jiggarantixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba permezz ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti. L-istabbiliment ta' sett ta' regoli komuni ta' proċedura amministrattiva fil-livell tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-Unjoni, għandhom itejbu ċ-ċertezza legali, jimlew il-lakuni tas-sistema ġuridika tal-Unjoni u b'hekk għandhom jikkontribwixxi għall-konformità mal-istat tad-dritt.

(14)

L-iskop ta' dan ir-Regolament huwa li jiġi stabbilit sett ta' regoli proċedurali li l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tikkonforma ruħha miegħu meta twettaq l-attivitajiet amministrattivi tagħha. Dawn ir-regoli proċedurali huma intiżi li jiżguraw kemm amministrazzjoni miftuħa, effiċjenti u indipendenti kif ukoll infurzar xieraq tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

(15)

F'konformità mal-Artikolu 298 tat-TFUE, dan ir-Regolament m'għandux japplika għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri. Barra minn hekk, dan ir-Regolament m'għandux japplika għal proċeduri leġiżlattivi, proċedimenti ġudizzjarji u proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta' atti mhux leġiżlattivi bbażati direttament fuq it-Trattati, atti delegati jew atti ta' implimentazzjoni.

(16)

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-amministrazzjoni tal-Unjoni mingħajr preġudizzju għal atti legali oħra tal-Unjoni li jipprevedu regoli proċedurali amministrattivi speċifiċi. Madankollu, il-proċeduri amministrattivi speċifiċi għas-settur mhumiex kompletament koerenti u kompluti. Bil-ħsieb li tiġi żgurata koerenza ġenerali tal-attivitajiet amministrattivi tal-amministrazzjoni tal-Unjoni u r-rispett sħiħ tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, l-atti legali li jipprevedu regoli proċedurali amministrattivi speċifiċi għandhom, għalhekk, jiġu interpretati b'mod konformi ma' dan ir-Regolament u l-lakuni tagħhom għandhom jimtlew permezz tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament jistabbilixxi drittijiet u obbligi bħala regola awtomatika għall-proċeduri amministrattivi kollha taħt il-liġi tal-Unjoni u għalhekk inaqqas il-frammentazzjoni tar-regoli proċedurali applikabbli, li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni speċifika għas-settur.

(17)

Ir-regoli proċedurali amministrattivi mfassla f'dan ir-Regolament għandhom l-għan li jimplimentaw il-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba stabbiliti f'varjetà wiesgħa ta' sorsi legali fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-prinċipji huma mniżżlin hawn taħt u l-formulazzjoni tagħhom għandha tispira l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

(18)

Il-prinċipju tal-istat tad-dritt, kif imfakkar fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), huwa l-qofol tal-valuri tal-Unjoni. Skont dan il-prinċipju, kull azzjoni tal-Unjoni għandha tiġi bbażata fuq it-Trattati f'konformità mal-prinċipju tal-għoti ta' kompetenzi. Barra minn hekk, il-prinċipju tal-legalità, bħala korollarju għall-istat tad-dritt, jirrikjedi li l-attivitajiet tal-amministrazzjoni tal-Unjoni jitwettqu f'konformità sħiħa mal-liġi.

(19)

Kwalunkwe att legali tal-liġi tal-Unjoni għandu jkun konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan jirrikjedi li kull miżura tal-amministrazzjoni tal-Unjoni tkun xierqa u neċessarja biex tissodisfa l-għanijiet li huma leġittimament imfittxija mill-miżura inkwistjoni: fejn ikun hemm għażla bejn diversi miżuri potenzjalment xierqa, għandha tittieħed l-għażla li hija l-inqas ta' piż, u kwalunkwe drittijiet imposti mill-amministrazzjoni m'għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-miri mħaddna.

(20)

Id-dritt għal amministrazzjoni tajba jeżiġi li l-atti amministrattivi jittieħdu mill-amministrazzjoni tal-Unjoni skont il-proċeduri amministrattivi li jiggarantixxu imparzjalità, sens ta' ġustizzja u puntwalità.

(21)

Id-dritt għal amministrazzjoni tajba jeħtieġ li kwalunkwe deċiżjoni biex tinbeda proċedura amministrattiva tkun notifikata lill-partijiet u tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom matul il-proċedura amministrattiva. F'każijiet debitament ġustifikati u eċċezzjonali fejn l-interess pubbliku jeħtieġ hekk, l-amministrazzjoni tal-Unjoni tista' ddewwem jew ma tagħmilx in-notifika.

(22)

Meta l-proċedura amministrattiva tinbeda permezz ta' applikazzjoni ta' parti, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jimponi obbligu fuq l-amministrazzjoni tal-Unjoni li tirrikonoxxi l-irċevuta tal-applikazzjoni bil-miktub. Il-konferma tar-riċevuta għandha tindika l-informazzjoni meħtieġa li tippermetti li parti teżerċita d-drittijiet tagħha ta' difiża matul il-proċedura amministrattiva. Madankollu, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun intitolata tiċħad applikazzjonijiet inutli jew abbużivi peress li dawn jistgħu jipperikolaw l-effiċjenza amministrattiva.

(23)

Għall-finijiet taċ-ċertezza legali, proċedura amministrattiva għandha tinbeda fi żmien raġonevoli wara li jkun seħħ l-avveniment. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jinkludi dispożizzjonijiet fuq perjodu ta' limitazzjoni.

(24)

Id-dritt għal amministrazzjoni tajba jeħtieġ li l-amministrazzjoni tal-Unjoni teżerċita d-dmir ta' diliġenza, li jobbliga l-amministrazzjoni tistabbilixxi u teżamina b'attenzjoni u b'imparzjalità l-elementi kollha fattwali u legali rilevanti tal-każ b'kunsiderazzjoni tal-interessi kollha rilevanti, f'kull stadju tal-proċedura. Għal dan il-għan, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandu jkollha s-setgħa li tisma' x-xhieda tal-partijiet, tax-xhieda u tal-esperti, titlob dokumenti u rekords u twettaq żjarat jew spezzjonijiet. Meta tagħżel l-esperti, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tiżgura li huma teknikament kompetenti u mhux affettwati minn kunflitt ta' interess.

(25)

Matul l-investigazzjoni mwettqa mill-amministrazzjoni tal-Unjoni, il-partijiet għandhom id-dmir li jikkooperaw billi jgħinu l-amministrazzjoni taċċerta l-fatti u ċ-ċirkostanzi tal-każ. Meta titlob lill-partijiet biex jikkooperaw, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tagħtihom limitu ta' żmien raġonevoli biex twieġeb, u għandha tfakkarhom dwar id-dritt kontra l-awtoinkriminazzjoni fejn il-proċedura amministrattiva tista' twassal għal penali.

(26)

Id-dritt li wieħed jiġi ttrattat b'mod imparzjali mill-amministrazzjoni tal-Unjoni huwa korollarju tad-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba u jimplika d-dmir tal-membri tal-persunal li jastjeni milli jieħdu sehem f'proċedura amministrattiva meta jkollhom, direttament jew indirettament, interess personali, inkluż, b'mod partikolari, xi interessi familjari jew finanzjarji, li jistgħu jikkompromettu l-imparzjalità tagħhom.

(27)

Id-dritt għal amministrazzjoni tajba jista' jeħtieġ li, taħt ċerti ċirkostanzi, l-ispezzjonijiet jitwettqu mill-amministrazzjoni, fejn dan huwa meħtieġ biex jiġi ssodisfat dmir jew biex jintlaħaq objettiv skont il-liġi tal-Unjoni. Dawk l-ispezzjonijiet għandhom jirrispettaw ċerti kundizzjonijiet u proċeduri biex jiġu salvagwardati d-drittijiet tal-partijiet.

(28)

Id-dritt għal smigħ għandu jiġi rrispettat f'kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista' tiġi konkluża b'mod li jippreġudikaha. Dan m'għandux jiġi eskluż jew limitat minn ebda miżura leġiżlattiva. Id-dritt għal smigħ jirrikjedi li l-persuna kkonċernata tingħata spjegazzjoni preċiża u kompluta tal-pretensjonijiet jew oġġezzjonijiet imqajma u tingħata l-opportunità li tressaq kummenti dwar il-verità u r-rilevanza tal-fatti u fuq id-dokumenti użati.

(29)

Id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi d-dritt ta' parti għall-proċedura amministrattiva li jkollha aċċess għall-fajl tagħha, li huwa wkoll rekwiżit essenzjali sabiex jitgawda d-dritt għal smigħ. Meta l-ħarsien tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju ma jippermettix aċċess sħiħ għall-fajl, il-parti għandha għall-inqas tingħata sommarju adegwat tal-kontenut tal-fajl. Bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-aċċess ta' persuna għall-fajls tagħha u b'hekk tiġi żgurata ġestjoni trasparenti ta' informazzjoni, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha żżomm reġistru tal-posta li tkun dieħla u li tkun ħierġa, tad-dokumenti li tirċievi u tal-miżuri li tieħu, u tistabbilixxi indiċi tal-fajls irreġistrati.

(30)

L-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tadotta atti amministrattivi f'limitu ta' żmien raġonevoli. Amministrazzjoni bil-mod hija amministrazzjoni ħażina. Kwalunkwe dewmien fl-adozzjoni ta' att amministrattiv għandu jkun ġustifikat u l-parti fil-proċedura amministrattiva għandha tkun debitament infurmata u pprovduta bi stima tad-data mistennija għall-adozzjoni tal-att amministrattiv.

(31)

Id-dritt għal amministrazzjoni tajba jimponi obbligu fuq l-amministrazzjoni tal-Unjoni biex tiddikjara b'mod ċar ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati l-atti amministrattivi tagħha. Id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għandha tindika l-bażi ġuridika tal-att, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u l-objettivi ġenerali li għandu l-intenzjoni li jilħaq. Din għandha turi b'mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtorità kompetenti li adottat l-att, b'tali mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jiddeċiedu jekk jixtiqux jiddefendu d-drittijiet tagħhom permezz ta' applikazzjoni għal stħarriġ ġudizzjarju.

(32)

Skont id-dritt għal rimedju effettiv, la l-Unjoni u lanqas l-Istati Membri ma jistgħu jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-Unjoni. Minflok, huma obbligati li jiggarantixxu protezzjoni ġudizzjarja reali u effettiva u huma pprojbiti milli japplikaw xi regola jew proċedura li tista' tevita, anke temporanjament, il-liġi tal-Unjoni milli jkollha forza u effett sħiħ.

(33)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tindika fl-atti amministrattivi tagħha r-rimedji li huma disponibbli għall-partijiet li d-drittijiet u l-interessi tagħhom huma affettwati minn dawk l-atti. Minbarra l-possibbiltà li jitressqu proċeduri ġudizzjarji jew li jitressaq ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew, il-parti għandha tingħata d-dritt li titlob rieżami amministrattiv u għandha tingħata informazzjoni dwar il-proċedura u l-limitu ta' żmien li fih tista' tressaq tali talba.

(34)

It-talba għal rieżami amministrattiv ma tippreġudikax id-dritt tal-parti għal rimedju ġudizzjarju. Għall-finijiet tal-limitu ta' żmien għall-applikazzjoni għal stħarriġ ġudizzjarju, att amministrattiv għandu jiġi kkunsidrat finali jekk il-parti ma tressaqx talba għal rieżami amministrattiv fil-limitu ta' żmien rilevanti jew, jekk il-parti tressaq talba għal rieżami amministrattiv, l-att amministrattiv finali huwa l-att li jikkonkludi dak ir-rieżami amministrattiv.

(35)

F'konformità mal-prinċipji ta' trasparenza u taċ-ċertezza legali, il-partijiet għal proċedura amministrattiva għandhom ikunu kapaċi jifhmu b'mod ċar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn att amministrattiv indirizzat lilhom. Għal dawn il-finijiet, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tiżgura li l-atti amministrattivi tagħha huma abbozzati b'mod ċar, sempliċi u b'lingwa li tinftiehem u jkollhom effett meta tiġi notifikata lill-partijiet. Meta twettaq dan l-obbligu, huwa meħtieġ li l-amministrazzjoni tal-Unjoni tagħmel użu xieraq tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u biex jadattaw għall-iżvilupp tagħhom.

(36)

Għall-finijiet ta' trasparenza u ta' effiċjenza amministrattiva, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tiżgura li l-iżbalji klerikali, aritmetiċi jew simili fl-atti amministrattivi tagħha jkunu kkorreġuti mill-awtorità kompetenti.

(37)

Barra minn hekk, bħala korollarju għall-istat tad-dritt, il-prinċipju tal-legalità jimponi obbligu fuq l-amministrazzjoni tal-Unjoni biex tirrettifika jew tirrevoka atti amministrattivi illegali. Madankollu, meta wieħed iqis li kwalunkwe rettifika jew revoka ta' att amministrattiv tista' tkun f'kunflitt mal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju taċ-ċertezza legali, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tevalwa b'attenzjoni u b'mod imparzjali l-effetti tar-rettifika jew tar-revoka fuq partijiet oħra u tinkludi l-konklużjonijiet ta' tali evalwazzjoni fil-motivi tal-att li jirrettifika jew li jirrevoka.

(38)

Iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt li jiktbu lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, f'waħda mil-lingwi tat-Trattati u jkollhom tweġiba bl-istess lingwa. L-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tirrispetta d-drittijiet lingwistiċi tal-partijiet billi tiżgura li l-proċedura amministrattiva titwettaq f'waħda mil-lingwi tat-Trattati magħżula mill-parti. Fil-każ ta' proċedura amministrattiva mibdija mill-amministrazzjoni tal-Unjoni, l-ewwel notifika għandha tkun abbozzata f'waħda mil-lingwi tat-Trattat li tikkorrispondi mal-Istat Membru li fih il-parti tkun tinsab.

(39)

Il-prinċipju tat-trasparenza u d-dritt ta' aċċess għal dokumenti għandhom importanza partikolari taħt proċedura amministrattiva mingħajr preġudizzju għall-atti leġiżlattivi adottati skont l-Artikolu 15(3) TFUE. Kwalunkwe limitazzjoni ta' dawn il-prinċipji għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv biex tikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u għalhekk għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u tal-libertajiet, u tkun soġġetta għall-prinċipju tal-proporzjonalità.

(40)

Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jimplika li mingħajr preġudizzju għall-atti leġiżlattivi adottati skont l-Artikolu 16 TFUE, id-data użata mill-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun preċiża, aġġornata u rreġistrata legalment.

(41)

Il-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jirriżulta mill-istat tad-dritt u jimplika li l-azzjonijiet tal-korpi pubbliċi m'għandhomx jinterferixxu ma' drittijiet stabbiliti u sitwazzjonijiet legali finali ħlief fejn huwa bilfors neċessarju fl-interess pubbliku. L-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu debitament ikkunsidrati fejn att amministrattiv jiġi rettifikat jew irtirat.

(42)

Il-prinċipju taċ-ċertezza legali jeħtieġ li r-regoli tal-Unjoni jkunu ċari u preċiżi. Dan il-prinċipju għandu l-għan li jiżgura li sitwazzjonijiet u relazzjonijiet ġuridiċi li huma rregolati mil-liġi tal-Unjoni jibqgħu prevedibbli peress li l-individwi għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu mingħajr ambigwità x'inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jkunu jistgħu jieħdu l-passi skont il-każ. F'konformità mal-prinċipju taċ-ċertezza legali, m'għandhomx jittieħdu miżuri retroattivi ħlief f'ċirkostanzi ġustifikati legalment.

(43)

Bil-ħsieb li tiġi żgurata koerenza ġenerali fl-attivitajiet tal-amministrazzjoni tal-Unjoni, atti amministrattivi ta' applikazzjoni ġenerali għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba msemmija f'dan ir-Regolament.

(44)

Fl-interpretazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandha tingħata attenzjoni speċjali għat-trattament ugwali u għan-nondiskriminazzjoni, li japplikaw għal attivitajiet amministrattivi bħala korollarju ewlieni għall-istat tad-dritt u għall-prinċipji ta' amministrazzjoni Ewropea effiċjenti u indipendenti,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u għan

1.   Dan ir-Regolament jipprovdi r-regoli proċedurali li jirregolaw l-attivitajiet amministrattivi tal-amministrazzjoni tal-Unjoni.

2.   L-għan ta' dan ir-Regolament huwa biex ikun iggarantit id-dritt ta' amministrazzjoni tajba minqux fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea permezz ta' amministrazzjoni miftuħa, effiċjenti u indipendenti.

Artikolu 2

Il-kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għal attivitajiet amministrattivi tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal attivitajiet tal-amministrazzjoni tal-Unjoni matul:

(a)

proċeduri leġiżlattivi;

(b)

proċeduri ġudizzjarji;

(c)

proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta' atti mhux leġiżlattivi bbażati direttament fuq it-Trattati, atti delegati jew atti ta' implimentazzjoni.

3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-amministrazzjoni tal-Istati Membri.

Artikolu 3

Ir-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u atti legali oħra tal-Unjoni

Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għal atti legali oħra tal-Unjoni li jipprevedu regoli proċedurali amministrattivi speċifiċi. Dan ir-Regolament għandu jissupplimenta tali atti legali tal-Unjoni, li għandhom jiġu interpretati skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Amministrazzjoni tal-Unjoni” tfisser l-amministrazzjoni tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni;

(b)

“Attivitajiet amministrattivi” tfisser dawk imwettqa mill-amministrazzjoni tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 2(2);

(c)

“proċedura amministrattiva” tfisser il-proċess li bih l-amministrazzjoni tal-Unjoni tħejji, tadotta, timplimenta u tinforza atti amministrattivi;

(d)

“membru tal-persunal” tfisser uffiċjal fis-sens tal-Artikolu 1a tar-Regolamenti tal-Persunal u aġent kif definit f'paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 1 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea.

(e)

“awtorità kompetenti” tfisser istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija jew entità tal-Unjoni jew detentur ta' kariga fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Unjoni li skont il-liġi applikabbli hija responsabbli għal proċedura amministrattiva;

(f)

“parti” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li l-istatus ġuridiku tagħha jista' jiġi affettwat mill-eżitu ta' proċedura amministrattiva.

KAPITOLU II

BIDU TAL-PROĊEDURA AMMINISTRATTIVA

Artikolu 5

Bidu tal-proċedura amministrattiva

Proċeduri amministrattivi jistgħu jinbdew mill-amministrazzjoni tal-Unjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess, jew permezz ta' applikazzjoni ta' parti.

Artikolu 6

Bidu mill-amministrazzjoni tal-Unjoni

1.   Il-proċeduri amministrattivi jistgħu jinbdew mill-amministrazzjoni tal-Unjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess, wara deċiżjoni tal-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti għandha teżamina ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ qabel ma tieħu d-deċiżjoni dwar jekk għandux jingħata bidu għall-proċedura.

2.   Id-deċiżjoni li tinbeda proċedura amministrattiva għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet. Id-deċiżjoni m'għandhiex issir pubblika qabel ma tkun saret in-notifika.

3.   In-notifika tista' tiġi mdewwma jew ommessa biss meta jkun strettament meħtieġ fl-interess pubbliku. Id-deċiżjoni biex tiddewwem jew ma ssirx in-notifika għandha tkun debitament motivata.

4.   Id-deċiżjoni li tinbeda proċedura amministrattiva għandha tindika:

(a)

numru ta' referenza u d-data;

(b)

is-suġġett u l-għan tal-proċedura;

(c)

id-deskrizzjoni tal-passi proċedurali ewlenin;

(d)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-membru tal-persunal responsabbli;

(e)

l-awtorità kompetenti;

(f)

limitu ta' żmien għall-adozzjoni tal-att amministrattiv u l-konsegwenzi ta' kwalunkwe nuqqas ta' adozzjoni tal-att amministrattiv fi żmien il-limitu ta' żmien;

(g)

ir-rimedji disponibbli,

(h)

l-indirizz tal-websajt imsemmi fl-Artikolu 28, jekk tkun teżisti tali websajt.

5.   Id-deċiżjoni li tinbeda proċedura amministrattiva għandha tiġi abbozzata fil-lingwi tat-Trattati li jikkorrispondu mal-Istati Membri fejn jinsabu l-partijiet.

6.   Proċedura amministrattiva għandha tinbeda fi żmien raġonevoli wara d-data tal-avveniment li jkun il-bażi tal-proċedura. Fl-ebda każ m'għandha tinbeda aktar tard minn 10 snin wara d-data ta' dak l-avveniment.

Artikolu 7

Bidu permezz ta' applikazzjoni

1.   Il-proċeduri amministrattivi jistgħu jinbdew minn parti.

2.   L-applikazzjonijiet ma għandhomx ikunu soġġetti għal rekwiżiti formali mhux meħtieġa. Huma għandhom jindikaw b'mod ċar, l-isem tal-parti, indirizz għan-notifika, l-għan tal-applikazzjoni, il-fatti rilevanti u r-raġunijiet għall-applikazzjoni, data u post u l-awtorità kompetenti li lilhom huma indirizzati. Huma għandhom jiġu ppreżentati bil-miktub, jew fuq il-karta jew b'mezzi elettroniċi. Huma għandhom ikunu abbozzati f'waħda mil-lingwi tat-Trattati.

3.   L-applikazzjonijiet għandhom jiġu rikonoxxuti bil-miktub. Il-konferma tar-riċevuta għandha tkun abbozzata fil-lingwa tal-applikazzjoni u għandha tindika:

(a)

numru ta' referenza u d-data;

(b)

id-data tal-irċevuta tal-applikazzjoni;

(c)

deskrizzjoni tal-passi proċedurali ewlenin;

(d)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-membru tal-persunal responsabbli;

(e)

limitu ta' żmien għall-adozzjoni tal-att amministrattiv u l-konsegwenzi ta' kwalunkwe nuqqas ta' adozzjoni tal-att amministrattiv fi żmien il-limitu ta' żmien;

(f)

l-indirizz tal-websajt imsemmi fl-Artikolu 28, jekk tkun teżisti tali websajt.

4.   Fejn applikazzjoni ma tkunx konformi ma' rekwiżit jew aktar stabbilit fil-paragrafu (2), il-konferma tal-irċevuta għandha tindika data ta' skadenza raġonevoli biex jitranġa l-iżball jew biex jiġi prodott xi dokument li jkun nieqes. Applikazzjonijiet inutli jew manifestament bla bażi jistgħu jiċċaħħdu bħala inammissibbli permezz ta' konferma tar-riċevuta motivata fil-qosor. L-ebda rċevuta m'għandha tintbagħat f'każijiet fejn applikazzjonijiet suċċessivi huma sottomessi b'mod abbużiv mill-istess applikant.

5.   Jekk l-applikazzjoni tkun indirizzata lill-awtorità li mhijiex kompetenti biex tipproċessha, dik l-awtorità għandha tibgħatha lill-awtorità kompetenti u għandha tindika fl-irċevuta, l-awtorità kompetenti li lilha tkun ġiet trażmessa t-talba jew li l-kwistjoni ma taqax fil-kompetenza tal-amministrazzjoni tal-Unjoni.

6.   Meta l-awtorità kompetenti tipproċedi bi proċedura amministrattiva, l-Artikolu 6(2) sa (4) għandu japplika fejn xieraq.

KAPITOLU III

ĠESTJONI TAL-PROĊEDURA AMMINISTRATTIVA

Artikolu 8

Drittijiet proċedurali

Il-partijiet għandu jkollhom id-drittijiet li ġejjin relatati mal-ġestjoni tal-proċedura:

(a)

li jingħataw l-informazzjoni kollha rilevanti relatati mal-proċedura b'mod ċar u li jinftiehem;

(b)

li jikkomunikaw u jikkompletaw, fejn possibbli u xieraq, il-formalitajiet proċedurali kollha minn distanza u b'mezzi elettroniċi;

(c)

li jużaw kwalunkwe lingwa tat-Trattati u biex jiġu indirizzati bil-lingwa tat-Trattati tal-għażla tagħhom;

(d)

jiġu notifikati bil-passi proċedurali kollha u bid-deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwawhom;

(e)

li jkunu rappreżentati minn avukat jew xi persuna oħra tal-għażla tagħhom;

(f)

biex iħallsu biss spejjeż li jkunu raġonevoli u proporzjonati għall-ispiża tal-proċedura inkwistjoni.

Artikolu 9

Obbligu ta' investigazzjoni akkurata u imparzjali

1.   L-awtorità kompetenti għandha tinvestiga l-każ bir-reqqa u b'mod imparzjali. Hija għandha tqis il-fatturi rilevanti kollha u tiġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tadotta deċiżjoni.

2.   Bil-għan li tiġbor l-informazzjoni meħtieġa, l-awtorità kompetenti tista', fejn rilevanti:

(a)

tisma' x-xhieda tal-partijiet, lix-xhieda u l-esperti,

(b)

titlob dokumenti u rekords,

(c)

twettaq żjarat u spezzjonijiet.

3.   Il-partijiet jistgħu jipproduċu provi li huma jqisu xierqa.

Artikolu 10

Dmir ta' kooperazzjoni

1.   Il-partijiet għandhom jassistu lill-awtorità kompetenti biex tivverifika l-fatti u ċ-ċirkostanzi tal-każ.

2.   Il-partijiet għandhom jingħataw limitu ta' żmien raġonevoli biex iwieġbu għal kwalunkwe talba ta' kooperazzjoni, b'kunsiderazzjoni tat-tul u tal-kumplessità tat-talba u r-rekwiżiti tal-investigazzjoni.

3.   Fejn il-proċedura amministrattiva tista' twassal għal penali, il-partijiet għandhom jitfakkru dwar id-dritt kontra l-awtoinkriminazzjoni.

Artikolu 11

Ix-xhieda u l-esperti

Ix-xhieda u l-esperti jistgħu jinstemgħu fuq l-inizjattiva tal-awtorità kompetenti jew proposti mill-partijiet. L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li tagħżel esperti li huma teknikament kompetenti u li mhumiex affettwati minn kunflitt ta' interess.

Artikolu 12

Spezzjonijiet

1.   Jistgħu jitwettqu spezzjonijiet meta att leġiżlattiv tal-Unjoni jistabbilixxi setgħa ta' spezzjoni u fejn dan ikun meħtieġ biex jiġi sodissfatt obbligu jew biex jintlaħaq għan skont il-liġi tal-Unjoni.

2.   L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti u fil-limiti stabbiliti mill-att li jagħti mandat jew jawtorizza l-ispezzjoni fir-rigward tal-miżuri li jistgħu jittieħdu u l-postijiet li jistgħu jiġu mfittxija. L-ispetturi għandhom jeżerċitaw is-setgħa tagħhom biss wara li tiġi prodotta awtorizzazzjoni bil-miktub li turi l-identità u l-kariga tagħhom.

3.   L-awtorità responsabbli għall-ispezzjoni għandha tavża lill-parti li hija soġġetti għall-ispezzjoni bid-data u l-ħin tal-bidu tal-ispezzjoni. Dik il-parti għandha jkollha d-dritt li tkun preżenti matul l-ispezzjoni u tagħti opinjonijiet u tagħmel mistoqsijiet relatati mal-ispezzjoni. Fejn ikun strettament meħtieġ fl-interess pubbliku, l-awtorità responsabbli għall-ispezzjoni tista' idewwem jew ma tagħmilx tali notifika għal raġunijiet debitament motivati.

4.   Matul l-ispezzjoni, il-partijiet preżenti għandhom jiġu mgħarrfa, kemm jista' jkun, dwar is-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni, il-proċedura u r-regoli li jirregolaw l-ispezzjoni u l-miżuri ta' segwitu u konsegwenzi possibbli tal-ispezzjoni. L-ispezzjoni għandha ssir mingħajr ma toħloq inkonvenjent żejjed lill-oġġett li jkun spezzjonat jew il-persuna li tkun tippossedih.

5.   L-ispetturi għandhom ifasslu mingħajr dewmien rapport tal-ispezzjoni, li jiġbor fil-qosor il-kontribut tal-ispezzjoni biex jintlaħaq l-għan tal-investigazzjoni u jinnota l-osservazzjonijiet essenzjali magħmula. L-awtorità responsabbli għall-ispezzjoni għandha tibgħat kopja ta' dan ir-rapport ta' spezzjoni lill-partijiet intitolati li jkunu preżenti matul l-ispezzjoni.

6.   L-awtorità responsabbli għall-ispezzjoni għandha tħejji u twettaq l-ispezzjoni b'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih issir l-ispezzjoni, sakemm l-Istat Membru nnifsu huwa s-suġġett tal-ispezzjoni, inkella din tipperikola l-għan tal-ispezzjoni.

7.   Fit-twettiq ta' spezzjoni u meta jitfassal ir-rapport ta' spezzjoni, l-awtorità responsabbli għall-ispezzjoni għandha tieħu kont ta' kwalunkwe rekwiżiti proċedurali stipulati fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li jispeċifikaw il-provi ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji tal-Istat Membru li fih ir-rapport tal-ispezzjoni huwa maħsub li jintuża.

Artikolu 13

Kunflitti ta' interessi

1.   Membru tal-persunal m'għandux jieħu sehem f'xi proċedura amministrattiva, li fiha jkollu direttament jew indirettament, interess personali, inkluż, b'mod partikolari, xi interessi familjari jew finanzjarji, li jistgħu jikkompromettu l-imparzjalità tiegħu.

2.   Kwalunkwe kunflitt ta' interess għandu jiġi kkomunikat mill-membru tal-persunal ikkonċernat lill-awtorità kompetenti, li tiddeċidi teskludix lil tali persuna mill-proċedura amministrattiva, b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ.

3.   Kwalunkwe parti tista' titlob li membru tal-persunal jiġi eskluż milli jipparteċipa f'proċedura amministrattiva fuq il-bażi ta' kunflitt ta' interessi. Talba motivata f'dan is-sens għandha tiġi ppreżentata bil-miktub lill-awtorità kompetenti, li għandha tiddeċiedi wara li tisma' lill-membru tal-persunal ikkonċernat.

Artikolu 14

Dritt ta' smigħ

1.   Il-partijiet għandu jkollhom id-dritt li jinstemgħu qabel ma tittieħed xi miżura individwali li taffettwahom b'mod negattiv jekk din tittieħed.

2.   Il-partijiet għandhom jirċievu biżżejjed informazzjoni u għandhom jingħataw żmien biżżejjed biex jippreparaw il-każ tagħhom.

3.   Il-partijiet għandhom jingħataw l-opportunità li jesprimu fehmiethom bil-miktub jew bil-fomm, jekk ikun meħtieġ, jew jekk jagħżlu li jagħmlu dan, bl-għajnuna ta' persuna magħżula minnhom.

Artikolu 15

Id-dritt ta' aċċess għall-fajl

1.   Il-partijiet ikkonċernati jingħataw aċċess sħiħ għall-fajl, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju. Kull limitazzjoni għal dan id-dritt għandha tkun debitament motivata.

2.   Fejn ma jistax jingħata aċċess sħiħ għall-fajl kollu, il-partijiet għandhom jingħataw sommarju adegwat tal-kontenut ta' dawk id-dokumenti.

Artikolu 16

Obbligu li jinżammu rekords

1.   Għal kull fajl, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha żżomm ir-rekords tal-posta li tkun dieħla u ħierġa, tad-dokumenti li tirċievi u tal-miżuri li tieħu. Hija għandha tistabbilixxi indiċi tal-fajls li żżomm.

2.   Ir-rekords għandhom jinżammu b'rispett sħiħ għad-dritt tal-protezzjoni tad-data.

Artikolu 17

Limiti taż-żmien

1.   Atti amministrattivi għandhom ikunu adottati u proċeduri amministrattivi għandhom jiġu konklużi f'limitu ta' żmien raġonevoli u mingħajr dewmien. Il-limitu ta' żmien għall-adozzjoni ta' att amministrattiv m'għandux jeċċedi tliet xhur mid-data ta':

(a)

notifika tad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura amministrattiva jekk inbdiet mill-amministrazzjoni tal-Unjoni, jew

(b)

l-irċevuta tal-applikazzjoni jekk il-proċedura amministrattiva kienet mibdija permezz ta' applikazzjoni.

2.   Jekk l-ebda att amministrattiv ma jista' jiġi adottat fil-limitu taż-żmien rilevanti, il-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu infurmati b'dan u bir-raġunijiet li jiġġustifikaw id-dewmien u dawn għandhom ikunu pprovduti bi stima ta' data mistennija tal-adozzjoni tal-att amministrattiv. Fuq talba, l-awtorità kompetenti għandha twieġeb mistoqsijiet rigward il-progress tal-konsiderazzjoni tal-kwistjoni.

3.   Jekk l-amministrazzjoni tal-Unjoni ma tikkonfermax li rċiviet l-applikazzjoni fi żmien tliet xhur, l-applikazzjoni titqies miċħuda.

4.   Il-limiti ta' żmien għandhom jiġu kkalkulati skont ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill (1).

KAPITOLU IV:

KONKLUŻJONI TAL-PROĊEDURA AMMINISTRATTIVA

Artikolu 18

Forma ta' atti amministrattivi

L-atti amministrattivi għandhom ikunu bil-miktub u għandhom jiġu ffirmati mill-awtorità kompetenti. Għandhom jitfasslu b'mod ċar, sempliċi u għandhom jinftiehmu.

Artikolu 19

Obbligu li jingħataw raġunijiet

1.   L-atti amministrattivi għandhom jiddikjaraw b'mod ċar ir-raġunijiet li fuqhom jissejsu.

2.   Atti amministrattivi għandhom jindikaw il-bażi ġuridika tagħhom, il-fatti rilevanti u l-mod kif ġew ikkunsidrati l-interessi differenti rilevanti.

3.   Atti amministrattivi għandu jkun fihom dikjarazzjoni individwali tar-raġunijiet rilevanti għas-sitwazzjoni tal-partijiet. Jekk dak ma jkunx possibbli minħabba l-fatt li numru kbir ta' persuni huma kkonċernati, dikjarazzjoni ġenerali tar-raġunijiet tkun suffiċjenti. F'dak il-każ, madankollu, għandha tingħata dikjarazzjoni individwali tar-raġunijiet lil kull parti li jitlobha b'mod espliċitu.

Artikolu 20

Rimedji

1.   Atti amministrattivi għandhom jindikaw b'mod ċar li rieżami amministrattiva hija possibbli.

2.   Il-partijiet għandu jkollhom id-dritt li jitolbu rieżami amministrattiva kontra atti amministrattivi li jippreġudikaw id-drittijiet u l-interessi tagħhom. It-talbiet għal rieżamijiet amministrattivi għandhom jitressqu quddiem l-awtorita’ li hi s-superjur ġerarkiku u, meta dan ma jkunx possibbli, lill-istess awtorità li adottat l-att amministrattiv.

3.   Atti amministrattivi għandhom jiddeskrivu l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-preżentazzjoni ta' talba għal rieżami amministrattiv, kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-uffiċċju tal-awtorità kompetenti jew il-membru tal-persunal responsabbli li lilu trid tiġi ppreżentata t-talba għal rieżami. L-att għandu jindika wkoll il-limitu ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' tali talba. Jekk ma tiġi ppreżentata ebda talba fillimitu ta' żmien, l-att amministrattiv jitqies finali.

4.   Atti amministrattivi għandhom jirreferu b'mod ċar, fejn il-liġi tal-Unjoni tipprovdi għall-possibbiltà li jitressqu proċeduri ġudizzjarji jew ilmenti mal-Ombudsman Ewropew.

Artikolu 21

Notifika ta' atti amministrattivi

Atti amministrattivi li jaffettwaw id-drittijiet u l-interessi tal-partijiet għandhom jiġu notifikati lilhom bil-miktub malli jiġu adottati. Atti amministrattivi jidħlu fis-seħħ fir-rigward ta' parti meta dik il-parti tiġi nnotifikata.

KAPITOLU V

RETTIFIKA U REVOKA TA' ATTI

Artikolu 22

Korrezzjoni ta' żbalji f'atti amministrattivi

1.   Żbalji klerikali, aritmetiċi jew żbalji simili għandhom jiġu kkorreġuti mill-awtorità kompetenti fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-parti kkonċernata.

2.   Il-partijiet għandhom jiġu informati qabel ma tiġi implimentata xi korrezzjoni u l-korrezzjoni tidħol fis-seħħ malli ssir in-notifika. Jekk dan ma jkunx possibbli minħabba n-numru kbir ta' partijiet ikkonċernati, għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-partijiet kollha jkunu infurmati mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 23

Rettifika jew revoka ta' atti amministrattivi li jaffettwaw ħażin lil parti

1.   L-awtorità kompetenti għandha tirrettifika jew tirrevoka, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba mill-parti kkonċernata, att amministrattiv illegali li jippreġudika lil parti. Ir-rettifika jew ir-revoka jkollha effett retroattiv.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tirrettifika jew tirrevoka, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba mill-parti kkonċernata, att amministrattiv legali li jippreġudika lil parti jekk ir-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ dak l-att speċifiku ma jeżistux iktar. Ir-rettifika jew ir-revoka ma jkollhomx effett retroattiv.

3.   Ir-rettifika jew ir-revoka tidħol fis-seħħ meta l-parti tiġi notifikata.

4.   Fejn att amministrattiv jippreġudika parti u fl-istess waqt huwa ta' vantaġġ għal partijiet oħra, għandha ssir evalwazzjoni tal-impatt possibbli fuq il-partijiet kollha, u l-konklużjonijiet tagħha għandhom jiġu inklużi fir-raġunijiet tal-att li jirrettifika jew jirrevoka.

Artikolu 24

Rettifika jew revoka ta' atti amministrattivi li jaffettwaw tajjeb lil parti

1.   L-awtorità kompetenti għandha tirrettifika jew tirrevoka, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' parti oħra, att amministrattiv illegali li huwa ta' vantaġġ għal xi parti.

2.   Għandhom jiġu debitament ikkunsidrati l-konsegwenzi tan-nuqqas ta' rettifika jew tal-irtirar fuq partijiet li jistgħu leġittimament jistennew li l-att ikun legali. Jekk tali partijiet iġarrbu telf minħabba d-dipendenza fuq il-legalità tad-deċiżjoni, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk dawk il-partijiet humiex intitolati għal kumpens.

3.   Ir-rettifika jew ir-revoka jkollha effett retroattiv biss jekk isseħħ fi żmien raġonevoli. Jekk parti tista' leġittimament tistenna li l-att ikun legali u argumentat li għandu jinżamm fis-seħħ, ir-rettifika jew ir-revoka ma jkollhomx effett retroattiv fir-rigward ta' dik il-parti.

4.   L-awtorità kompetenti tista' tirrettifika jew tirtira att amministrattiv legali li jkun ta' benefiċċju għal parti fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' parti oħra jekk ir-raġunijiet li jwasslu għal att speċifiku m'għadhomx jeżistu. Għandhom jiġu debitament ikkunsidrati l-aspettattivi leġittimi ta' partijiet oħra.

5.   Ir-rettifika jew ir-revoka tidħol fis-seħħ meta l-parti tiġi notifikata.

Artikolu 25

Ġestjoni ta' korrezzjonijiet ta' żbalji, ta' rettifika u ta' revoka

Id-dispożizzjonijiet rilevanti fil-Kapitoli III, IV u VI ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll għal korrezzjoni ta' żbalji, għar-rettifika u għar-revoka ta' atti amministrattivi.

KAPITOLU VI

ATTI AMMINISTRATTIVI B'AMBITU TA' APPLIKAZZJONI ĠENERALI

Artikolu 26

Rispett għad-drittijiet proċedurali

Atti amministrattivi b'kamp ta' applikazzjoni ġenerali adottati mill-amministrazzjoni tal-Unjoni għandhom jirrispettaw id-drittijiet proċedurali previsti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 27

Bażi ġuridika, dikjarazzjoni tar-raġunijiet, u pubblikazzjoni

1.   Atti amministrattivi b'kamp ta' applikazzjoni ġenerali adottati mill-amministrazzjoni tal-Unjoni għandhom jindikaw il-bażi ġuridika tagħhom u għandhom jiddikjaraw b'mod ċar ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati.

2.   Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ mid-data tal-pubblikazzjoni b'mezzi direttament aċċessibbli lill-persuni kkonċernati.

KAPITOLU VII

INFORMAZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 28

Informazzjoni online dwar ir-regoli dwar il-proċeduri amministrattivi

1.   L-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tippromwovi l-provvista ta' informazzjoni online aġġornata dwar il-proċeduri amministrattivi eżistenti f'websajt ad hoc, fejn ikun possibbli u raġonevoli. Għandha tingħata prijorità lill-proċeduri ta' applikazzjoni.

2.   L-informazzjoni online għandha tinkludi:

(a)

link għal-leġiżlazzjoni applikabbli,

(b)

spjegazzjoni fil-qosor tar-rekwiżiti legali ewlenin u l-interpretazzjoni amministrattiva tagħhom,

(c)

deskrizzjoni tal-passi proċedurali ewlenin,

(d)

l-indikazzjoni tal-awtorità kompetenti li għandha tadotta l-att finali,

(e)

l-indikazzjoni tal-limitu ta' żmien għall-adozzjoni tal-att,

(f)

l-indikazzjoni ta' rimedji disponibbli,

(g)

link għal formoli standard li jistgħu jintużaw minn partijiet fil-komunikazzjonijiet tagħhom mal-amministrazzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-proċedura.

3.   L-informazzjoni online stabbilita fil-paragrafu (2) għandha tiġi ppreżentata b'mod ċar u b'mod sempliċi. Aċċess għal dik l-informazzjoni għandha tkun mingħajr ħlas.

Artikolu 29

Evalwazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tressaq rapport dwar l-evalwazzjoni tal-funzjonament ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel [xx snin wara d-dħul fis-seħħ].

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/1971 tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perijodi, dati u limiti ta' żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/140


P8_TA(2016)0280

Kompetittività tal-industrija tal-provvista ferrovjarja Ewropea

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-kompetittività tal-industrija ferrovjarja Ewropea (2015/2887(RSP))

(2018/C 086/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 'Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv' (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem 'Industrija Ewropea Aktar b'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku' (COM(2012)0582),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem 'Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew' (COM(2014)0014),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem 'Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment' (COM(2015)0497),

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni bl-isem 'Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti' (COM(2011)0144),

wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni bl-isem 'Sector Overview and Competitiveness Survey of the Railway Supply Industry' (ENTR 06/054),

wara li kkunsidra l-istudju tal-Parlament Ewropew bl-isem 'It-trasport tal-merkanzija bit-triq: Ir-raġunijiet għalfejn l-ispedituri tal-UE jippreferu jużaw it-trakk mit-tren',

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni bl-isem 'Inħaffu l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni' (O–000067/2016 – B8–0704/2016),

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

In-natura speċifika u r-rilevanza strateġika tal-industrija Ewropea ferrovjarja għal rinaxximent industrijali Ewropew

1.

Jenfasizza li l-industrija ferrovjarja Ewropea, li tinkludi l-manifattura tal-lokomotivi u tal-vetturi ferrovjarji, u t-tagħmir tal-binarji, l-elettrifikazzjoni, is-sinjalazzjoni u t-telekomunikazzjoni, kif ukoll is-servizzi ta' manutenzjoni u tal-partijiet, u li tinvolvi għadd kbir ta' intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, kif ukoll mexxejja industrijali kbar, tħaddem 400 000 impjegat, tinvesti 2,7 % tal-fatturat annwali tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp u tirrappreżenta 46 % tas-suq dinji tal-industija ferrovjarja; jenfasizza li s-settur ferrovjarju b'mod ġenerali, inklużi l-operaturi u l-infrastruttura, huwa responsabbli għal iktar minn miljun impjieg dirett u 1,2 miljun impjieg indirett fl-UE; jirrimarka li dawn iċ-ċifri huma indikazzjoni ċara tal-importanza tal-industrija ferrovjarja Ewropea għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni, u tal-kontribut tagħha biex tintlaħaq il-mira ta' 20 % ta' riindustrijalizzazzjoni;

2.

Jenfasizza n-natura speċifika ta' dan is-settur, li huwa kkaratterizzat b'mod partikolari bil-manifattura ta' tagħmir b'tul ta' ħajja ta' sa 50 sena, intensità ta' kapital għoli, dipendenza sinifikanti fuq l-akkwist pubbliku u l-obbligu tal-konformità ma' standards għolja ta' sikurezza;

3.

Ifakkar fil-kontribut essenzjali tas-settur ferrovjarju fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u fl-iffaċċjar ta' tendenzi oħra eneromi bħall-urbanizzazzjoni u t-tibdil demografiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tappoġġja l-miri għal bidla modali għall-ferroviji, kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija, kif ifformulat fil-White Paper tal-2011 dwar it-trasport b'passi konkreti ta' politika u investiment immirat; jirrimarka li, skont ir-riżultati tas-COP 21 u l-miri tal-klima u tal-enerġija tal-UE għall-2030, tenħtieġ bidla lejn il-ferroviji u tipi oħra ta' trasport sostenibbli, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u bl-elettriku sabiex tinkiseb id-dekarbonizzazzjoni mmirata tat-trasport; jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' dan, biex tieħu vantaġġ mill-Komunikazzjoni li ġejja dwar id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport sabiex tipproponi miżuri ġodda li jsostnu l-iżvilupp ta' teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija għall-industrija ferrovjarja;

4.

Josserva li, bħala mexxeja fis-suq dinji tat-teknoloġija u l-innovazzjoni, l-industrija ferrovjarja għandha rwol ewlieni biex tintlaħaq il-mira ta' 20 % ta' industrijalizzazzjoni tal-Kummissjoni;

5.

Jinnota li l-industrija ferrovjarja Ewropea tista' tiddependi fuq numru ta' fatturi favorevoli – mhux biss fuq ir-rendiment ambjentali tajjeb ta' dan il-mod ta' trasport, iżda wkoll fuq suq kbir u l-abilità li tiffaċilita t-trasport tal-massa; jinnota, madankollu, li llum is-settur qed jiffaċċja kompetizzjoni tripla: intermodali, internazzjonali, u xi kultant anke bejn kumpanija u oħra;

Iż-żamma tat-tmexxija globali tal-industrija ferrovjarja Ewropea

6.

Jirrimarka li r-rata ta' tkabbir annwali tas-swieq internazzjonali aċċessibbli tal-industrija ferrovjarja mistennija li tkun ta' 2,8 % sal-2019; jenfasizza li filwaqt li l-UE hija fil-parti l-kbira miftuħa għal kompetituri minn pajjiżi terzi, il-pajjiżi terzi għandhom bosta ostakli fis-seħħ li jiddiskriminaw kontra l-industrija ferrovjarja Ewropea; jenfasizza li kompetituri minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari miċ-Ċina, qed jikbru malajr u b'mod aggressiv lejn l-Ewropa u reġjuni oħra tad-dinja, spiss b'appoġġ politiku u finanzjarju qawwi mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom (eż. krediti ġenerużi għall-esportazzjoni barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD); jenfasizza li dawn il-prattiki jistgħu jikkostitwixxu kompetizzjoni inġusta li thedded l-impjiegi fl-Ewropa; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jkun hemm kundizzjonijiet ġusti u ekwi fil-kompetizzjoni globali u aċċess reċiproku għas-swieq sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' telf ta' impjiegi u biex jiġi salvagwardjat l-għarfien industrijali fl-Ewropa;

7.

Jenfasizza li anke fis-suq ferrovjarju Ewropew, ħafna kumpaniji tal-UE, speċjalment intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, isibuha diffiċli u għalja biex joperaw bejn il-fruntieri minħabba l-frammentazzjoni tas-suq, kemm amministrattivament kif ukoll teknikament; jemmen li l-ilħiq tal-objettiv li tiġi stabbilita żona ferrovjarja unika Ewropea se jkun kruċjali biex tinżamm id-dominanza globali tal-industrija ferrovjarja Ewropew;

Aġenda mġedda tal-innovazzjoni tal-industrija ferrovjarja Ewropea

8.

Jirrikonoxxi l-industrija ferrovjarja bħala industrija prinċipali għall-kompetittività tal-Ewropa u l-kapaċità għall-innovazzjoni; iħeġġeġ li jittieħdu miżuri li jiżguraw li l-Ewropa żżomm vantaġġ teknoloġiku u innovattiv f'dan is-settur;

9.

Jilqa' d-deċiżjoni li tiġi stabbilita l-Impriża Konġunta “Shift2Rail” (S2R) u t-tnedija reċenti tal-ewwel sejħiet għal proposti; jitlob li l-attivitajiet kollha ta' riċerka u żvilupp tax-S2R jiġu implimentati b'mod rapidu u f'waqtu mill-aktar fis possibbli; jikkritika l-fatt li l-parteċipazzjoni tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fix-S2R hija baxxa, parzjalment minħabba l-ispejjeż għolja u l-komplessità tal-istrument; iħeġġeġ lill-bord ta' tmexxija janalizza l-involviment tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fit-tieni sejħa għal membri assoċjati u biex itejjibha u jqissejħiet speċifiċi għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar rappreżentanza bbilanċjata tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u dik reġjonali jiġu osservati;

10.

Jenfasizza li l-kapaċità għall-innovazzjoni, l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, id-diframmentazzjoni tas-suq u r-raggruppar huma sisien essenzjali għaż-żamma tal-kompetittività internazzjonali tal-industrija ferrovjarja tal-Ewropa;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni timmobilizza bis-sħiħ id-diversi strumenti ta' finanzjament tal-UE, tesplora u tisfrutta sorsi addizzjonali ta' finanzjament għax-S2R u tfittex sinerġiji bejn il-fondi differenti tal-UE u ma' investimenti privati; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex tisfrutta l-istrumenti addizzjonali ta' finanzjament tal-UE għat-teknoloġija ferrovjarja barra x-S2R (eż. sejħiet dedikati għar-riċerka ferrovjarja fl-Orizzont 2020 barra x-S2R, l-InnovFin, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fondi Strutturali, il-FSIE), anke permezz ta' skema pilota tax-S2R li tqabbel il-finanzjament tal-UE ma' fondi oħra strutturali u għall-innovazzjoni tal-UE;

12.

Jitlob lill-Kummissjoni taħdem mas-settur biex tiżgura l-aħjar użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), u b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), għall-appoġġ ta' proġetti ta' riċerka u żvilupp ferrovjarji fil-livell reġjonali; iħeġġiġha wkoll tiffoka fuq il-futur tal-industrija ferrovjarja lil hinn mill-2020;

13.

Jenfasizza li r-raggruppamenti huma għodda importanti biex il-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-livell lokali u dak reġjonali jinġabu flimkien, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, l-universitajiet, l-istituti ta' riċerka, l-industrija ferrovjarja, is-sħab soċjali u industriji oħra tal-mobilità; jitlob lill-Kummissjoni toħroġ bi strateġija ta' raggruppament għat-tkabbir sa Diċembru 2016; Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għall-proġetti ta' innovazzjoni żviluppati mir-raggruppamenti ferrovjarji u inizjattivi oħra li jġibu flimkien lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju tal-industrija ferrovjarja, kumpaniji ikbar u istituti ta' riċerka fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak Ewropew; josserva li ser ikun hemm bżonn ta' lok għal finanzjament pubbliku ta' raggruppament; jinnota, f'dan ir-rigward, il-possibilitajiet offruti mill-istrumenti finanzjarji l-ġodda (il-FSIE, eċċ.);

14.

Jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ħolqien ta' forum fil-livell Ewropew li jlaqqa' kumpaniji stabbiliti, negozji ġodda u spin-offs li għandhom ideat innovattivi għas-settur ferrovjarju, b'mod partikolari fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni, bil-ħsieb li jiskambjaw l-aħjar prattika u jiġu ffaċilitati s-sħubijiet; jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra modi kif tinċentiva l-kollaborazzjoni bejn il-kumpaniji kbar u l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fi proġetti ta' riċerka relevanti għall-industrija ferrovjarja;

15.

Jemmen li fokus wieħed tal-attivitajiet ta' riċerka għandu jkun id-diġitalizzazzjoni biex tiżdied il-prestazzjoni tal-ferroviji u biex jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi tagħhom (eż. l-awtomazzjoni, sensuri u għodda ta' monitoraġġ, l-interoperabilità, pereżempju permezz tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju u s-Sistema Ewropea ta' Kontroll tal-Ferroviji, l-użu tat-teknoloġiji spazjali, inkluż f'kooperazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea, l-użu tal-big data u ċ-ċibersigurtà); jemmen li t-tieni fokus għandu jkun fuq iż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi u l-enerġija, pereżempju permezz ta' materjal eħfef u fjuwils alternattivi; jemmen li t-tielet fokus għandu jkun fuq fuq l-avvanzi li jagħmlu t-trasport ferrovjarju aktar attraenti u aċċettat (eż. affidabilità mtejba u t-tnaqqis tal-istorbju, katini konsistenti ta' trasport multimodali, sistemi integrati ta' ħruġ tal-biljetti); jenfasizza li l-isforzi tal-innovazzjoni ma jridux jittraskuraw l-infrastruttura, li hija element essenzjali tal-kompetittività tal-ferroviji;

16.

Jitlob li tiġi implimentata b'mod rapidu sistema integrata ta' biljetti elettroniċi koordinata ma' modi oħra ta' trasport u servizzi potenzjali oħra pprovduti minn operaturi ta' biljetti uniċi;

17.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa imperattiva li jiġu prodotti binajri moderni tal-ferroviji, it-tramms u binarji oħra fi-suq uniku, flimkien mat-tagħmir anċillari kollu neċessarju;

18.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-fornituri ferrovjarji Ewropej internazzjonalment, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar strateġija għall-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f'pajjiżi terzi (1);

Il-kisba tal-ħiliet xierqa għal industrija ferrovjarja li tibqa' valida fil-ġejjieni

19.

Jitlob li jkun hemm strateġija Ewropea ta' taħriġ u edukazzjoni li ġġib flimkien lill-kumpaniji tal-industrija ferrovjarja, l-istituti ta' riċerka u s-sħab soċjali sabiex jinvestigaw b'mod konġunt liema ħiliet huma meħtieġa għal industrija ferrovjarja sostenibbli u innovattiva; jemmen li f'dan il-kuntest għandu jiġi varat studju ta' fattibilità Kunsill Ewropew potenzjali dwar il-ħiliet settorjali ferrovjarji; jistieden lill-Istati Membri jew lill-korpi reġjonali kkonċernati joħolqu qafas li jipprovdi taħriġ kontinwu, fil-foirm ta' dritt individwali għat-taħriġ li jiżgura li l-ġabra ta' ħiliet tagħhom tkun allinjata mad-domanda li kulma jmur qed tikber fis-settur u tkun adattabbli għal suq ġdid jew, fil-każ ta' sensji, li tkun trasferibbli għal settur industrijali ieħor;

20.

Jinnota li, minħabba t-tixjiħ tal-forza tax-xogħol, l-industrija ferrovjarja għandha nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati; jilqa', għalhekk, kull sforz biex jiġu promossi t-tagħlim tul il-ħajja u l-ħiliet tekniċi; jitlob kampanja sabiex jiżdiedu l-viżibilità u l-attraenza tal-industrija ferrovjarja mal-inġiniera żgħażagħ (eż. permezz ta' għoti ta' fondi mill-FSE); jenfasizza l-fatt li s-settur għandu rata partikolarment baxxa ta' impjieg tan-nisa, u jenfasizza, għalhekk, li kampanja bħal din għandha tagħti attenzjoni speċjali biex tindirizza dan l-iżbilanċ; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi d-djalogu soċjali sabiex tiffaċilita l-innovazzjoni soċjali u sseddaq imjiegi fit-tul ta' kwalità sabiex tikkontribwixxi għall-attraenza tas-settur għal persunal b'ħiliet speċjalizzati;

21.

Iqis li t-tagħlim ta' ħiliet magħżulin apposta huwa investiment indispensabbli sabiex tinżamm it-tmexxija globali fit-teknoloġija u l-kapaċità għall-innovazzjoni tal-industrija ferrovjarja Ewropea fuq terminu ta' żmien twil;

Appoġġ għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju

22.

Iqis li l-aċċess għall-finanzjament huwa waħda mill-isfidi ewlenin għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-industrija ferrovjarja; Jenfasizza l-valur miżjud tal-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) u l-Fondi Strutturali biex jgħinu lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju jiksbu aċċess għal finanzjament, inkluż fil-forma ta' faċilitajiet ta' garanzija u ekwità, u jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-promozzjoni ta' dawn l-istrumenti; jilqa' l-attenzjoni tal-FEIS fuq l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, iżda jenfasizza li l-fond issa jrid iwettaq dak li wiegħed, u jirrimarka li għandhom ukoll jiġi esplorati sorsi alternattivi; jilqa' l-istrument tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju taħt l-Orizzont 2020, iżda jenfasizza l-problema ta' abbonament żejjed u rata baxx ta' suċċess; jitlob lill-Kummissjoni tindirizza din il-problema matul ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi assorbiment aħjar tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-UE disponibbli għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

23.

Jenfasizza li l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-industrija ferrovjarja ta' spiss ikunu jiddependu fuq kumpanija waħda; jenfasizza li l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju joqogħdu lura milli jespandu minħabba nuqqas ta' riżorsi u r-riskji ikbar involuti fil-kummerċ transkonfinali; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa gruppi settorjali ferrovjarji fil-qafas tan-Netwerk Enterprise Europe, li jistgħu jagħtu pariri u jħarrġu lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju tal-industrija ferrovjarja dwar skemi u għotjiet differenti ta' finanzjament tal-innovazzjoni, l-internazzjonalizzazzjoni u dwar kif jinstabu u jiġu indirizzati sħab kummerċjali potenzjali u sħab li magħhom jistgħu japplikaw għal proġetti konġunti ta' riċerka ffinanzjati mill-UE;

24.

Jitlob lill-Kummissjoni tisfrutta aktar il-programmi eżistenti ta' appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u biex tagħtihom aktar viżibilità fost l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju tal-industrija ferrovjarja Ewropea fil-kuntest ta' sinerġiji bejn il-fondi differenti tal-UE; Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa aktar programmi ta' taħriġ dwar l-aċċess għal swieq speċifiċi barranin u tikkomunika dawn il-programmi b'mod wiesa' lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-industrija ferrovjarja;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-għażliet kollha biex jappoġġjaw lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-industrija ferrovjarja, inkluż fil-qafas tal-possibilità ta' reviżjoni mmirati tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, b'attenzjoni speċjali għall-bżonnijiet tas-sottosetturi industrijali bħal industrija ferrovjarja, fejn l-involviment tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju ta' valur miżjud għoli huwa partikolarment importanti;

26.

Jinsab imħasseb dwar il-ħlasijiet bil-mod għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-industrija ferrovjarja; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva dwar il-ħlas tard (2011/7/UE);

It-titjib tal-ambjent tas-suq Ewropew għall-fornituri u t-tħeġġiġ tad-domanda għall-prodotti ferrovjarji

27.

Jilqa' l-adozzjoni tal-pilastru tekniku tar-raba' Pakkett Ferrovjarju u jitlob li jiġi implimentat malajr bħala fattur ewlieni li jwassal għal suq uniku ġenwin għall-prodotti ferrovjarji; jenfasizza li ż-żieda fl-interoperabilità u rwol akbar tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea se jiffaċilitaw l-armonizzazzjoni tan-netwerk u għalhekk għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-ispejjeż għall-iżvilupp u l-awtorizzazzjoni tal-prodotti ferrovjarji u tal-binarji tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju; jindika l-ħtieġa li l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea tiġi provduta b'riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti biex twettaq il-kompiti estiżi ġodda tagħha; iqis li l-pilastru politiku tar-raba' Pakkett Ferrovjarju se jiddetermina l-kompetittività tal-operaturi tat-trasport u, b'mod aktar ġenerali, tax-xerrejja;

28.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' implimentazzjoni sħiħa, effettiva u uniformi tar-regolamentazzjoni dwar in-netwerk ferrovjarju għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva, li tkun ta' benefiċċju kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-industrija;

29.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tevalwa d-definizzjonijiet tas-suq u s-sett attwali ta' regoli dwar il-kompetizzjoni tal-UE biex iqisu l-evoluzzjoni tas-suq ferrovjarju globali; jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika kif dawn id-definizzjonijiet u r-regoli jkollhom bżonn jiġu aġġornati biex jindirizzaw il-problemi ta' amalgamazzjonijiet fis-suq globali, bħall-amalgamazzjoni CNR-CSR, u sabiex jippermettu sħubijiet u alleanzi strateġiċi min-naħa tal-industrija ferrovjarja Ewropea;

30.

Jitlob li jkun hemm aktar standardizzazzjoni Ewropea fis-settur ferrovjarju instigata mill-partijiet ikkonċernati (inkluża l-industrija ferrovjarja Ewropea) taħt it-tmexxija tas-CEN/CENELEC; jittama li l-inizjattiva konġunta l-ġdida dwar l-istandardizzazzjoni proposta mill-Kummissjoni se jkollhom rwol ewlieni f'dan ir-rigward; jenfasizza l-importanza li jkun hemm aktar intrapriżi ta' daqs żgħir u medju involuti fl-istandardizzazzjoni Ewropea;

31.

Jitlob li d-direttivi tal-UE tal-2014 dwar l-akkwist pubbliku jiġu implimentati b'mod rapidu; ifakkar lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni li dawn id-direttivi jobbligaw lill-awtoritajiet kontraenti jibbażaw id-deċiżjonijiet tal-offerti fuq il-prinċipju tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġjuża (MEAT), u jiffokaw fuq l-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja u prodotti sostenibbli mil-lat ambjentali u soċjali, u li b'hekk jikkontribwixxu biex jiġu evitati d-dumping tal-pagi u d-dumping soċjali, kif ukoll potenzjalment isaħħu l-istruttura ekonomika reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu b'mod ġenerali l-analiżi tal-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu bħala prattika standard fl-investimenti fit-tul, jiggwidaw lill-awtoritajiet kontraenti u jimmonitorjaw l-applikazzjoni tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jfakkru lill-awtoritajiet kontraenti dwar l-eżistenza ta' dispożizzjoni, fil-kuntest tal-qafas Ewropew riveduta dwar l-akkwist pubbliku, li tagħmilha possibbli li jirrifjutaw offerti jekk aktar minn 50 % tal-valur jiżdied barra l-UE (l-Artikolu 85 tad-Direttiva 2014/25/UE);

32.

Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-investiment ferrovjarju mhux Ewropej fl-Istati Membri tal-UE u jiggarantixxu l-osservanza tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-akkwist pubbliku, pereżempju l-leġiżlazzjoni dwar l-offerti rħas b'mod mhux normali u l-kompetizzjoni inġusta; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel inkjesta dwar il-kandidati potenzjali mhux Ewropej li jissottomettu offerti fl-UE filwaqt li jirċievu sussidji mill-gvern minn pajjiżi terzi;

It-tkattir tal-investiment fi proġetti ferrovjarji

33.

Jistenna li l-istrumenti eżistenti ta' finanzjament tal-UE (eż. is-CEF, il-Fondi Strutturali) jintużaw bis-sħiħ sabiex tiġi stimulata d-domanda għal proġetti ferrovjarji (inklużi strumenti ta' finanzjament tal-UE għal investiment barra l-UE bħall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat); jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni b'suċċess tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) bħala għodda li timmobilizza l-kapital privat għas-settur ferrovjarju, u jitlob li jiġi esplorat aktar kif l-investimenti privati jistgħu jibdew jitħaddmu għall-proġetti ferrovjarji; jara rwol importanti għall-banek għall-iżvilupp pubbliku fil-livell nazzjonali u dak Ewropew biex jappoġġjaw l-industrija ferrovjarja; jitlob lill-Kummissjoni taħdem mal-banek għall-iżvilupp multilaterali biex tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-aġenziji privati jinvestu fl-aktar tagħmir ferrovjarju sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija fid-dinja; jitlob lill-Kummissjoni u lill-BEI jintensifikaw l-appoġġ ta' konsulenza għall-proġetti ferrovjarji permezz ta' Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment li għadu kif ġie stabbilit taħt il-FEIS, sabiex jgħinuhom jattiraw l-investiment; jemmen li s-settur ferrovjarju fl-Ewropa se jkompli jiddependi ħafna fuq l-investiment pubbliku; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet pubbliċi, għalhekk, jinvestu b'mod sinifikanti fis-sistemi ferrovjarji ta' linji prinċipali u urbani tagħhom u, meta possibbli, biex iżidu r-rati ta' assorbiment tal-fondi ta' koeżjoni għall-proġetti ferrovjarji; jitlob, madankollu, fid-dawl ta' din id-dipendenza u l-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi f'diversi pajjiżi Ewropej, biex jintużaw il-mezzi kollha possibbli, kemm regolatorji kif ukoll baġitarji, sabiex jiġi mobilizzat il-kapital privat f'isem is-settur ferrovjarju;

34.

Jinnota li l-kumplessitajiet fis-settur ferrovjarju jagħmluha diffiċli biex min isellef jifhem ir-riskju u b'hekk isellef bl-irħis; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa forum finanzjarju tas-settur ferrovjarju bil-għan li jiżdiedu l-involviment u l-kondiviżjoni tal-għarfien mill-industrija ferrovjarja mas-settur finanzjarju, u b'hekk jitjiebu l-fehim tal-banek dwar is-settur u b'konsegwenza ta' dan il-fehim tar-riskji u tat-tnaqqis tal-ispiża tal-finanzjament;

35.

Jemmen li l-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni tat-tagħmir ferrovjarju eżistenti ma għandhomx jiġu traskurati; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu s-sostituzzjoni ta' tagħmir antik bi prodotti moderni u sostenibbli fuq skala akbar;

36.

Jilqa' l-appoġġ tal-UE għall-pjattaforma onlajn 'l-Osservatorju tal-Mobilità Urbana' (ELTIS) li tagħmel possibbli l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar is-sistemi urbani fiż-żoni metropolitani; jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-għażliet differenti ta' finanzjament għall-mobilità urbana sostenibbli u tippromwovihom permezz tal-Pjattaforma Ewropea dwar Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli tagħha li se ssir daqt;

37.

Jitlob lill-Kummissjoni tgħin permezz ta' varar aktar armonizzat tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju, b'kooperazzjoni mal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, fl-UE u tippromwovi s-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju barra mill-UE;

38.

Jilqa' l-isforzi fil-vara tas-servizzi u l-applikazzjonijiet tal-Galileo u tas-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) fis-settur ferrovjarju; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, ir-rwol tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) Ewropea u tal-ġestjoni tagħha b'suċċess tal-proġetti fl-ambitu tal-programmi FP7 u Orizzont 2020;

It-tisħiħ tal-kompetittività globali tal-industrija ferrovjarja

39.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali futuri (inklużi n-negozjati li għaddejjin mal-Ġappun, iċ-Ċina u l-Istati Uniti) u r-reviżjonijiet ta' ftehimiet kummerċjali eżistenti jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi li jtejbu b'mod sinifikanti l-aċċess għas-suq għall-industrija ferrovjarja Ewropea, speċjalment fir-rigward tal-akkwist pubbliku, inkluż l-indirizzar tal-problema ta' aktar rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni u tiżgura l-aċċess reċiproku għas-swieq barranin għall-industrija ferrovjarja; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tas-suq minn ġewwa u barra l-Ewropa;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika kummerċjali tal-UE tkun aktar konsistenti mal-politika industrijali, sabiex il-politika kummerċjali tikkunsidra l-bżonnijiet tal-industrija Ewropea u sabiex il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' ftehimiet kummerċjali ma twassalx għal rilokazzjonijiet ġodda u għal aktar deindustrijalizzazzjoni tal-UE;

41.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistinka biex tneħħi l-ostakli mhux tariffarji prinċipali li jxekklu l-aċċess tal-industrija ferrovjarja Ewropea għas-swieq barranin, inklużi l-ostakoli għall-investiment (b'mod partikolari l-obbligi relatati mal-impriżi konġunti), u d-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta' trasparenza fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku (partikolarment ir-rekwiżiti dejjem iktar onerużi dwar il-kontenut lokali);

42.

Jenfasizza r-rilevanza u l-impatt li n-negozjati dwar 'l-istrument ta' akkwist pubbliku internazzjonali' u r-reviżjoni tar-regolamenti dwar l-istrumenti għad-difiża tan-negozju qed ikollhom fuq l-industrija ferrovjarja Ewropea, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqisu dan u jaħdmu mill-qrib mal-Parlament Ewropew sabiex jaslu għal ftehim malajr dwar dawn l-istrumenti; jitlob lill-Kummissjoni tqis l-impatti li r-rikonoxximent ta' status ta' ekonomija tas-suq għall-ekonomiji mmexxija mill-istat jew ekonomiji oħra mhux tas-suq jista' jkollu fuq il-funzjonament tal-istrumenti għad-difiża tan-negozju u fuq il-kompetittività tal-industrija ferrovjarja Ewropea;

43.

Jitlob lill-Kummissjoni toħloq strateġija kummerċjali koerenti tal-UE li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta' reċiproċità, partikolarment fir-rigward tal-Ġappun, iċ-Ċina u l-Istati Uniti, u tappoġġja aktar internalizzazzjoni tal-industrija ferrovjarja, speċjalment tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-istandards u t-teknoloġiji Ewropej fil-livell internazzjonali, bħas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju, u permezz tal-esplorazzjoni ta' kif jistgħu jiġu protetti aħjar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tal-industrija ferrovjarja Ewropea (eż. permezz ta' promozzjoni usa' tal-Helpdesk għad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali);

44.

Jitlob lill-Kummissjoni tgħin biex jiġu eliminati l-ostakoli tariffarji u nontariffarji, tissimplifika l-proċeduri tan-negozju għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-industrija ferrovjarja u tiżgura l-eliminazzjoni gradwali tal-prattiki tan-negozju restrittivi kollha fis-swieq ta' pajjiżi terzi; jitlob lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiffaċilita l-ħruġ ta' viżi tax-xogħol għall-impjegati tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju Ewropew li jkunu ġew sekondati temporanjament lil pajjiżi terzi sabiex tnaqqas in-numru ta' tranżazzjonijiet ta' negozju li jridu jagħmlu l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

45.

Jinnota li ċerti pajjiżi terzi qegħdin joħolqu distorsjonijiet kummerċjali inaċċettabbli billi jipprovdu livelli sproporzjonati ta' appoġġ lill-esportaturi tagħhom permezz tal-kundizzjonijiet finanzjarji pprovduti lill-klijenti potenzjali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tikkonvinċi lill-Gvern Ċiniż jiffirma l-Arranġament tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi dwar il-krediti għall-esportazzjoni appoġġjati b'mod uffiċjali u l-kapitolu speċifiku tiegħu dwar l-infrastruttura ferrovjarja; jitlob lill-Kummissjoni fl-istess ħin tintensifika l-ħidma fuq il-linji gwida globali l-ġodda dwar il-krediti tal-esportazzjoni fil-Grupp ta' Ħidma Internazzjonali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni (IWG);

It-titjib tal-appoġġ politiku strateġiku għas-settur

46.

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika komunikazzjoni dwar strateġija koerenti tal-UE dwar il-politika industrijali bil-għan tal-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tal-Ewropa u bbażata fuq, inter alia, is-sostenibilità u l-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi; jitlob lill-Kummissjoni biex fid-dokument tagħha tispjega l-istrateġija tagħha dwar is-setturi industrijali importanti, inkluża l-industrija ferrovjarja; iqis li huwa importanti li jiddaħħlu ideat dwar kif jinżamm livell għoli ta' manifattura vertikali fl-UE;

47.

Jitlob lill-Kummissjoni torganizza djalogu industrijali ta' livell għoli dwar l-industrija ferrovjarja bil-parteċipazzjoni tal-Kummissarji relevanti, il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-Istati Membri, l-industrija ferrovjarja, it-trejdjunjins, l-istituzzjonijiet ta' riċerka, l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea u l-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni; jirrimarka li djalogu regolari mal-industrija ferrovjarja jagħmilha possibbli li jkun hemm diskussjoni strutturata fil-livell Ewropew dwar l-isfidi orizzontali għas-settur u l-effetti tal-politiki tal-UE fuq il-kompetittività tal-industrija ferrovjarja;

48.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika li jkollha impatt fuq il-kompetittività tal-industrija ferrovjarja tal-UE hija r-riżultat ta' komunikazzjoni u koordinazzjoni effettivi bejn l-amministrazzjonijiet tad-diversi oqsma ta' politika involuti;

49.

Jemmen li l-appoġġ politiku mill-Kunsill huwa meħtieġ għat-tisħiħ u l-iżvilupp tal-industrija ferrovjarja Ewropea; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill dwar il-Kompetittività jniżżel l-industrija ferrovjarja Ewropea konkretament fl-aġenda tiegħu;

o

o o

50.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0219.


III Atti preparatorji

IL-PARLAMENT EWROPEW

It-Tlieta 7 ta’ Ġunju 2016

6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/147


P8_TA(2016)0238

Protokoll biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk, sa fejn huma kkonċernati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li ma jaqgħux taħt it-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (14384/2015 – C8-0118/2016 – 2015/0101(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 086/21)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14384/2015),

wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (15044/2013),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 33, 113, 114, 207, u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0118/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0154/2016),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-protokoll;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din il-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/148


P8_TA(2016)0239

Preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti: Ftehim tal-UNECE ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tar-Reviżjoni 3 tal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-adozzjoni ta' preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, it-tagħmir u l-partijiet li jistgħu jintramaw u/jew jintużaw fuq vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet (“Ftehim Rivedut tal-1958”) (13954/2015 – C8-0112/2016 – 2015/0249(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 086/22)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (13954/2015),

wara li kkunsidra r-Reviżjoni 3 tal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-adozzjoni ta' preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, it-tagħmir u l-partijiet li jistgħu jintramaw u/jew jintużaw fuq vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet (“Ftehim Rivedut tal-1958”) (13954/2015),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0112/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0185/2016),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/149


P8_TA(2016)0240

Ftehim ta' Kummerċ UE-Kolombja u Perù (adeżjoni tal-Kroazja) ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (12594/2014 – C8-0180/2015 – 2014/0234(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 086/23)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12594/2014),

wara li kkunsidra l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (12595/2014),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 91, 100(2), 207 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) (v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0180/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0155/2016),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-protokoll addizzjonali;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Kolombja u r-Repubblika tal-Perù.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/150


P8_TA(2016)0241

Kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tar-reġimi ta' proprjetà ta' koppji internazzjonali ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar ir-reġimi ta' proprjetà ta' koppji internazzjonali, li tkopri kemm ir-reġimi ta' proprjetà matrimonjali u kemm l-effetti patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati (08112/2016 – C8-0184/2016 – 2016/0061(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 086/24)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (08112/2016),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 329(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0184/2016),

wara li kkunsidra l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 326 u 327 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 85 u l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0192/2016),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar ir-reġimi ta' proprjetà ta' koppji internazzjonali, li tkopri kemm ir-reġimi ta' proprjetà matrimonjali u kemm l-effetti patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/151


P8_TA(2016)0242

Eliminazzjoni tal-kummerċ illeċitu fil-prodotti tat-tabakk: protokoll tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO (kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali) ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u mad-definizzjoni ta' reati kriminali (14387/2015 – C8-0119/2016 – 2015/0100(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 086/25)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14387/2015),

wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (15044/2013),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 82(1) u l-Artikolu 83, u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0119/2016),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-ftehim rigward it-tabakk (il-Ftehim PMI) (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0198/2016),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Eurojust u lill-OLAF.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0082.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/152


P8_TA(2016)0243

Swieq fl-istrumenti finanzjarji ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' ċerti dati (COM(2016)0056 – C8-0026/2016 – 2016/0033(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 086/26)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0056),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 53(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0026/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta' April 2016 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 (2),

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-18 ta' Mejju 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0126/2016),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


P8_TC1-COD(2016)0033

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-7 ta' Ġunju 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, d-Direttiva (UE) 2016/1034.)


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/153


P8_TA(2016)0244

Swieq tal-istrumenti finanzjarji, abbuż tas-suq u saldu tat-titoli ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli fir-rigward ta' ċerti dati (COM(2016)0057 – C8-0027/2016 – 2016/0034(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 086/27)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0057),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0027/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta' April 2016 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 (2),

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-18 ta' Mejju 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0125/2016),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


P8_TC1-COD(2016)0034

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-7 ta' Ġunju 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2016/1033.)


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/154


P8_TA(2016)0245

Ħatra ta' membru tal-Qorti tal-Awdituri – Rimantas Šadžius

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar il-ħatra proposta ta' Rimantas Šadžius bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri (C8-0126/2016 – 2016/0805(NLE))

(Konsultazzjoni)

(2018/C 086/28)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0126/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0183/2016),

A.

billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.

billi waqt il-laqgħa tiegħu tat-23 ta' Mejju 2016, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat propost mill-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

1.

Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' Rimantas Šadžius bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.


L-Erbgħa 8 ta’ Ġunju 2016

6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/155


P8_TA(2016)0253

It-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta biex jinvestiga allegati kontravvenzjonijiet u amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, is-setgħat, kif ukoll id-daqs numeriku u l-mandat tiegħu

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar it-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta inkarigat biex jinvestiga allegazzjonijiet ta’ kontravvenzjoni u ta’ amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, is-setgħat, kif ukoll id-daqs numeriku u l-mandat tiegħu(2016/2726(RSO))

(2018/C 086/29)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba mressqa minn 337 Membru għat-twaqqif ta' kumitat ta' inkjesta inkarigat biex jinvestiga allegazzjonijiet ta’ kontravvenzjoni u ta’ amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,

wara li kkunsidra l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet (7),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (8),

wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, l-ingranaġġ, it-trasparenza u s-superviżjoni (9),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (10),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (11),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (12),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati (13),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (14),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE u d-Direttivi 2005/56/KE u 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji (15),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/771/UE tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa (16) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/772/UE tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva (17),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar strateġija esterna għal tassazzjoni effettiva (COM(2016)0024),

wara li kkunsidra l-Artikolu 198 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Jiddeċiedi li jwaqqaf Kumitat ta' Inkjesta inkarigat biex jinvestiga allegazzjonijiet ta’ kontravvenzjoni u ta’ amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa,

2.

Jiddeċiedi li l-Kumitat ta' Inkjesta għandu:

jinvestiga l-allegat nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li teżegwixxi, u min-naħa tal-Istati Membri li jimplimentaw u jeżegwixxu b'mod effikaċi, id-Direttiva 2005/60/KE, fid-dawl tal-obbligu tal-implimentazzjoni f'waqtha u effikaċi tad-Direttiva (UE) 2015/849;

jinvestiga l-allegat nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li japplikaw il-penali amministrattivi u l-miżuri amministrattivi l-oħra lill-istituzzjonijiet responsabbli għal ksur serju ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2005/60/KE, kif tirrikjedi d-Direttiva 2013/36/UE;

jinvestiga l-allegat nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li teżegwixxi, u min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li jimplimentaw b'mod effikaċi, id-Direttiva 2011/16/UE, speċjalment l-Artikolu 9(1) tagħha dwar il-komunikazzjoni spontanja ta' informazzjoni fil-qasam tat-taxxa lil Stat Membru ieħor f'każijiet li fihom ikun hemm raġunijiet biex jitqies li jista' jkun hemm telf ta' taxxa, fid-dawl tal-obbligu tal-implimentazzjoni f'waqtha u effikaċi tad-Direttiva 2014/107/UE; għal dan l-iskop u għall-investigazzjonijiet fuq bażijiet ġuridiċi oħrajn fir-rigward tal-allegati każijiet ta' kontravvenzjonijiet jew amministrazzjoni ħażina li sar riferiment għalihom hawn fuq, il-Kumitat għandu jagħmel użu mill-aċċess għad-dokumenti rilevanti kollha tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta li nkisbu mill-kumitati speċjali TAXE 1 u TAXE 2;

jinvestiga l-allegat nuqqas min-naħa tal-Istati Membri li jeżegwixxu l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, rilevanti għall-iskop tal-inkjesta prevista f'din id-deċiżjoni;

jinvestiga l-allegat nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li teżegwixxi, u min-naħa tal-Istati Membri li jimplimentaw, id-Direttiva 2014/91/UE;

jinvestiga l-allegat nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li teżegwixxi, u min-naħa tal-Istati Membri li jimplimentaw, id-Direttiva 2011/61/UE u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013;

jinvestiga l-allegat nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li teżegwixxi, u min-naħa tal-Istati Membri li jimplimentaw, id-Direttiva 2009/138/KE;

jinvestiga l-allegat nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li teżegwixxi, u min-naħa tal-Istati Membri li jimplimentaw u jeżegwixxu b'mod effikaċi, id-Direttiva 2006/43/KE, fid-dawl tal-obbligu tal-implimentazzjoni f'waqtha u effikaċi tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 u tad-Direttiva 2014/56/UE;

jinvestiga l-allegat nuqqas min-naħa tal-Istati Membri li jittrasponu d-Direttiva 2013/34/UE;

jinvestiga l-allegat nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li teżegwixxi, u min-naħa tal-Istati Membri li jimplimentaw b'mod effikaċi, id-Direttiva 2012/17/UE;

jinvestiga l-ksur potenzjali tad-dmir ta' kooperazzjoni leali stabbilit mill-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea min-naħa tal-Istati Membri u tat-territorji assoċjati u dipendenti tagħhom, sakemm ikun rilevanti għall-ambitu tal-inkjesta prevista f'din id-deċiżjoni; għal dan il-għan, jivvaluta partikolarment jekk ksur eventwali ta' dan it-tip jistax ikun dovut għall-allegat nuqqas ta' adozzjoni tal-miżuri xierqa biex jipprevjenu l-użu ta' veikoli finanzjarji li jippermettu lis-sidien benefiċjarji aħħarin tagħhom jaħbuhom mill-istituzzjonijiet finanzjarji u minn intermedjarji, avukati, fornituri ta' servizzi relatati ma' kumpaniji u trusts oħrajn jew l-operat ta' kwalunkwe veikolu jew intermedjarju ieħor li jippermetti l-aġevolazzjoni tal-ħasil ta' flus, kif ukoll l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fi Stati Membri oħrajn (inkluż l-eżami tar-rwol tat-trusts u tal-kumpaniji privati b'responsabbiltà limitata b'membru uniku u tal-muniti virtwali), fid-dawl ukoll tal-programmi ta' ħidma attwali li qed jitwettqu fil-livell tal-Istati Membri u li għandhom l-għan li jaffrontaw tali kwistjonijiet u jtaffulhom l-effetti;

jifformula r-rakkomandazzjonijiet li jqis neċessarji f'dan il-kuntest, inkluż dwar l-implimentazzjoni min-naħa tal-Istati Membri tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 hawn fuq imsemmija dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lil pajjiżi terzi japplikaw standards minimi ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa u tal-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, kif ukoll jivvaluta l-aktar żviluppi reċenti tal-istrateġija esterna tal-Kummissjoni għal tassazzjoni effettiva u r-rabtiet bejn il-qafas ġuridiku tal-Unjoni u tal-Istati Membri u s-sistemi tat-taxxa ta' pajjiżi terzi (pereżempju, ftehimiet dwar it-taxxa doppja, ftehimiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni, ftehimiet ta' kummerċ ħieles), kif ukoll l-isforzi li saru għall-promozzjoni, f'livell internazzjonali (Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, G20, Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja u Nazzjonijiet Uniti) tat-trasparenza tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja;

3.

Jiddeċiedi li l-Kumitat ta' Inkjesta għandu jippreżenta r-rapport finali tiegħu fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni;

4.

Jiddeċiedi li l-Kumitat ta' Inkjesta għandu jqis f'ħidmitu kwalunkwe żvilupp rilevanti fil-kompetenza tiegħu li jfeġġu matul il-mandat tiegħu;

5.

Jiddeċiedi li kwalunkwe rakkomandazzjoni imfassla mill-Kumitat ta' Inkjesta u mill-kumitat speċjali TAXE 2 għandhom ikunu ittrattati fi ħdan il-kumitati permanenti rilevanti;

6.

Jiddeċiedi li l-Kumitat ta' Inkjesta għandu jkollu 65 Membru;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiżgura li din id-deċiżjoni tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1.

(2)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

(3)  ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

(4)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

(5)  ĠU L 064, 11.3.2011, p. 1.

(6)  ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1.

(7)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 186.

(8)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

(9)  ĠU L 83, 22.3.2013, p. 1.

(10)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

(11)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.

(12)  ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77.

(13)  ĠU L 158, 27.5.2014, p. 196.

(14)  ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.

(15)  ĠU L 156, 16.6.2012, p. 1.

(16)  ĠU L 338, 12.12.2012, p. 37.

(17)  ĠU L 338, 12.12.2012, p. 41.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/159


P8_TA(2016)0254

Ftehim UE-Palau dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Palau dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (12080/2015 – C8-0400/2015 – 2015/0193(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 086/30)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (12080/2015),

wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Palau dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (12077/2015),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2), punt (a), u l-Artikolu 218(6), it-tieni inċiż, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8–0400/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Arikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8–0177/2016),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Palau.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/160


P8_TA(2016)0255

Ftehim UE-Tonga dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju ta' Tonga dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (12089/2015 – C8-0374/2015 – 2015/0196(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 086/31)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12089/2015),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju ta' Tonga dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir (12087/2015),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2), punt (a) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8–0374/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Arikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8–0179/2016),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Renju ta' Tonga.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/161


P8_TA(2016)0256

Ftehim UE-Kolombja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kolombja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (12095/2015 – C8-0390/2015– 2015/0201(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 086/32)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (12095/2015),

wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kolombja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (12094/2015),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2), punt (a) u l-Artikolu 218(6), it-tieni inċiż, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8–0390/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Arikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8–0178/2016),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Kolombja.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/162


P8_TA(2016)0257

Espansjoni tal-Kummerċ fil-Prodotti tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' ftehim fil-forma ta' Dikjarazzjoni dwar l-espansjoni tal-Kummerċ fil-Prodotti tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) (06925/2016 – C8-0141/2016 – 2016/0067(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 086/33)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (06925/2016),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tad-WTO tas-16 ta' Diċembru 2015, dwar l-espansjoni tal-Kummerċ fil-Prodotti tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (06926/2016),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0141/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0186/2016),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/163


P8_TA(2016)0258

Is-soġġezzjoni ta' α-PVP għal miżuri ta' kontroll *

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-soġġezzjoni tas-sustanza psikoattiva ġdida 1-phenyl-2-(pyrrolidin-1-yl)pentan-1-one (α-pyrrolidinovalerophenone, α-PVP) għal miżuri ta' kontroll (15386/2015 – C8-0115/2016 – 2015/0309(CNS))

(Konsultazzjoni)

(2018/C 086/34)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (15386/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat bit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0115/2016),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0175/2016),

1.

Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.

Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/164


P8_TA(2016)0259

Ratifika u adeżjoni tal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Perikolużi u ta' Ħsara bl-eċċezzjoni ta' aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-ratifika u l-adeżjoni mill-Istati Membri f'isem l-Unjoni mal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbilità u l-Kumpens għall-Ħsara b’Konnessjoni mat-Trasportazzjoni bil-Baħar ta’ Sustanzi Perikolużi u ta’ Ħsara bl-eċċezzjoni ta' aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili (13806/2015 – C8-0410/2015 – 2015/0135(NLE))

(2018/C 086/35)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (13806/2015),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(6) punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0410/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014 (1),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni internazzjonali fuq ir-responsabbiltà u l-kumpens għal dannu kkawżat mill-ġarr bil-baħar ta’ sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi, tal-1996 (il-“Konvenzjoni HNS 1996”),

wara li kkunsidra l-Protokoll tal-2010 tal-Konvenzjoni HNS 1996 ('il-Konvenzjoni HNS 2010'),

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2015)0304),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill 2002/971/KE tat-18 ta' Novembru 2002 li tawtorizza lill-Istati Membri, fl-interess tal-Komunità, li jirratifikaw jew li jaderixxu mal-Konvenzjoni HNS 1996 (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (3) (id-"Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali jew “ELD”),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni għall-minuti tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru u tat-8 ta' Diċembru 2015 (4),

wara li kkunsidra d-dokument tat-18 ta' Settembru 2015 tal-industrija tat-tbaħħir li jħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw jew jaderixxu mal-Protokoll tal-2010 tal-Konvenzjoni HNS malajr kemm jista' jkun f'konformità mal-approċċ propost mill-Kummissjoni (5),

wara li kkunsidra r-rapport finali mħejji għall-Kummissjoni Ewropea minn BIO Intelligence Service, bl-isem “Study on ELD Effectiveness: scope and exceptions” (Studju dwar l-Effikaċja tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali: kamp ta' applikazzjoni u eċċezzjonijiet) tad-19 ta' Frar 2014 (6),

wara li kkunsidra n-nota mis-Servizz Legali tal-Parlament tal-11 ta' Frar 2016 dwar il-bażi ġuridika għall-proposta msemmija hawn fuq għal deċiżjoni tal-Kunsill (SJ-0066/16) u l-opinjoni sussegwenti fil-forma ta' ittra dwar il-bażi ġuridika xierqa għal din id-deċiżjoni proposta adottata mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali fid-19 ta' Frar 2016 (7) u annessa mar-rapport A8-0191/2016,

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8–0191/2016),

A.

billi l-għan tal-Konvenzjoni HNS 2010 huwa li tiggarantixxi r-responsabbiltà u l-ħlas ta' kumpens adegwat, fil-pront u effettiv għal telf jew dannu lill-persuni, lill-proprjetà u lill-ambjent li jirriżultaw mill-ġarr ta' sustanzi perikolużi u noċivi bil-baħar permezz tal-Fond Internazzjonali speċjalizzat ta' kumpens għall-HNS;

B.

billi, għalhekk, minn naħa waħda hi għandha l-għan li tiddisponi għall-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” u għall-prinċipji ta' prevenzjoni u ta' prekawzjoni li jfisser li għandha tittieħed azzjoni preventiva fil-każ tal-possibilità ta' dannu ambjentali, u għalhekk taqa' taħt il-politika u l-prinċipji ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-ambjent, u min-naħa l-oħra għandha l-għan li tirregola kwistjonijiet li jirriżultaw mid-danni kkawżati mit-trasport marittimu u li tipprevjeni u tnaqqas kemm jista' jkun danni bħal dawn, u għalhekk taqa' taħt il-politika tal-Unjoni dwar it-trasport;

C.

billi skont il-proposta tal-Kummissjoni (COM(2015)0304), il-konklużjoni tal-Konvenzjoni HNS 2010 għaldaqstant tkun tikkoinċidi mal-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali;

D.

billi l-Konvenzjoni HNS 2010 għandha kamp ta' applikazzjoni li jikkoinċidi mad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali sa fejn huma kkonċernati d-dannu ambjentali kkawżat lit-territorju u lill-ilmijiet tal-baħar taħt il-ġurisdizzjoni ta' stat parti, id-dannu li jirriżulta minn kontaminazzjoni tal-ambjent ikkawżat fiż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE) jew żona ekwivalenti ta' stat parti (sa 200 mil nawtiku mil-linji bażi) u l-miżuri ta' prevenzjoni biex tali dannu jiġi pprevenut;

E.

billi l-Konvenzjoni HNS 2010 tistabbilixxi responsabbiltà stretta ta' sid il-bastiment għal kwalunkwe dannu li jirriżulta mill-ġarr ta' sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi bil-baħar kopert mill-Konvenzjoni, kif ukoll l-obbligu li joħroġ assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra li tkopri r-responsabbiltà tiegħu għal danni skont il-Konvenzjoni, li tipprojbixxi għal dak il-għan kwalunkwe pretensjoni oħra li ssir kontra sid il-bastiment ħlief skont din il-Konvenzjoni (l-Artikolu 7(4)(5));

F.

billi hemm riskju għalhekk ta' kunflitt potenzjali bejn l-ELD u l-Konvenzjoni HNS 2010, riskju li jista' jiġi evitat permezz tal-Artikolu 4(2) tal-ELD, li jiddisponi li d-Direttiva “ma tapplikax għal danni ambjentali jew għal kwalunkwe theddida imminenti ta' danni ambjentali li huma ir-riżultat ta' inċident li fir-rigward tiegħu ir-responsabbiltà jew il-kumpens fil-kamp ta' applikazzjoni ta' xi waħda mill-konvenzjonijiet internazzjonali elenkati fl-Anness IV, inkluża kwalunkwe emenda futura ta' dawk il-konvenzjonijiet, li tinsab fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat”;

G.

billi l-ELD għalhekk teskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha danni ambjentali jew theddid imminenti ta' tali danni li huma koperti mill-Konvenzjoni HNS 2010 ladarba din tal-aħħar tidħol fis-seħħ, sakemm l-Istati Membri kollha ma jkunux irratifikaw jew aderixxew mal-Konvenzjoni HNS 2010 fl-istess limiti ta' żmien, hemm riskju li se jitfaċċa xenarju ġuridika frammentata fejn xi Stati Membri ikunu soġġetti għall-Konvenzjoni HNS 2010 u oħrajn għad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali. dan se joħloq disparità għall-vittmi tat-tniġġis, bħalma huma l-komunitajiet kostali, is-sajjieda, eċċ. u jkun ukoll kontra l-ispirtu tal-Konvenzjoni HNS 2010;

H.

billi l-prinċipji bażiċi sottostanti għall-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali jipprovdu wkoll il-bażi għall-Konvenzjoni HNS 2010, u dawn huma r-responsabbiltà stretta ta' sid il-bastiment, assigurazzjoni mandatarja biex tkopri d-danni lill-partijiet terzi, id-dritt ta' rikors dirett tal-persuni li jsofru danni kontra l-assiguratur, il-limitazzjoni tar-responsabbiltà u, fil-każ taż-żejt u ta' sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi, fond speċjali ta' kumpensi li jħallas għad-danni meta dawn jaqbżu l-limiti tar-responsabbiltà ta' sid il-bastiment;

I.

billi huwa fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi li jkun hemm reġim ta' responsabbiltà omoġenju applikabbli għad-danni li jirriżultaw mill-ġarr ta' sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi fuq il-baħar;

J.

billi mhuwiex assolutament ċar jekk l-Artikolu 4(2) tal-ELD jfissirx li l-ELD ma tistax tiġi applikata fi Stat Membru li jkun irratifika l-Konvenzjoni HNS 2010, jew li l-esklużjoni hija limitata sal-punt sa fejn ir-responsabbiltà jew il-kumpens jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni;

K.

billi l-Konvenzjoni HNS 2010 tikkostitwixxi reġim ta' kumpens u għalhekk għandhaambitu iżgħar mill-ELD fl-istabbiliment ta' reġim li jirrikjedi lill-operaturi, u jidderieġi lill-awtoritajiet kompetenti biex jitolbu lill-operaturi, jipprevjenu jew jirrimedjaw theddida imminenti ta' dannu ambjentali jew dannu ambjentali attwali, rispettivament;

L.

billi għall-kuntrarju ta' dak li huwa l-każ skont l-ELD, l-ebda kumpens ma jista' jingħata skont il-Konvenzjoni HNS 2010 għal dannu ta' natura mhux ekonomika;

M.

billi l-ELD ma timponix garanzija finanzjarja mandatarja fuq l-operaturi sabiex tiżgura li dawn ikollhom fondi biex jassiguraw il-prevenzjoni u r-rimedju ta' dannu ambjentali, sakemm Stat Membru ma jkunx adotta dispożizzjonijiet aktar stretti mill-ELD;

N.

billi l-Konvenzjoni HNS 2010 tistabbilixxi obbligu ċar li s-sid jikkuntratta assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra biex ikopri r-responsabbiltà tiegħu għad-danni skont il-Konvenzjoni;

O.

billi l-Konvenzjonijiet l-oħra tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali inklużi fl-Anness IV tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali wrew li huma effettivi, peress li rnexxielhom jilħqu bilanċ bejn l-interessi ambjentali u l-interessi kummerċjali permezz tal-allokazzjoni ċara tar-responsabbiltà li permezz ta' hekk normalment ma jkun hemm l-ebda inċertezza dwar min hija l-parti responsabbli, kif ukoll permezz tal-istabbiliment ta' assikurazzjoni obbligatorja u mekkaniżmi rapidi ta' kumpens, li mhumiex limitati għad-danni ambjentali biss;

1.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqisu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

(i)

Jiggarantixxu r-rispett tal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi tal-UE skont l-Artikolu 5(1) tat-TUE u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddisponi li “l-għażla tal-bażi legali ta' att Komunitarju għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi li jistgħu jwasslu għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta' dan l-att” (8);

(ii)

Jilqgħu għalhekk l-opinjoni fil-forma ta' ittra tad-19 ta' Frar 2016 adottata mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont liema:

“peress li l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill għandha l-għan li tawtorizza lill-Istati Membri li jirratifikaw, jew aderixxu, f'isem l-Unjoni, mal-Protokoll HNS 2010 u sussegwentement jintrabtu mill-Konvenzjoni HNS 2010, u meta jitqies li din tal-aħħar ma tkoprix biss każijiet ta' ħsara ambjentali (li jagħtu s-saħħa lill-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva u li min iniġġes għandu jħallas), iżda wkoll każijiet ta' ħsara mhux ambjentali, kemm ikkawżati mit-trasportazzjoni ta' ċerti sustanzi bit-trasport bil-baħar, l-Artikoli 100(2), 192(1) u 218(6)(a)(v) tat-TFUE jikkostitwixxu l-bażi ġuridika adegwata għal din il-proposta”

(iii)

Jiżguraw li l-uniformità, l-integrità u l-effettività tar-regoli komuni tal-Unjoni ma jiġux affettwati b'mod negattiv mill-impenji internazzjonali meħuda bir-ratifika tal-Konvenzjoni HNS 2010 jew bl-adeżjoni magħha skont il-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (9);

(iv)

Jagħtu attenzjoni akbar f'dan ir-rigward lill-koinċidenza bejn id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali u l-Konvenzjoni HNS 2010, sa fejn huma kkonċernati d-dannu ambjentali kkawżat lit-territorju u lill-ilmijiet tal-baħar taħt il-ġurisdizzjoni ta' stat parti, idannu li jirriżulta minn kontaminazzjoni tal-ambjent ikkawżat fiż-ŻEE jew f'żona ekwivalenti (sa 200 mil nawtiku mil-linji bażi) ta' stat parti u l-miżuri ta' prevenzjoni biex jiġi pprevenut jew minimizzat tali dannu (miżuri preventivi, rimedju primarju, u rimedju kumplimentari);

(v)

Jiżguraw li l-possibbiltà ta' kunflitt bejn id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali u l-Konvenzjoni HNS 2010 tiġi minimizzata billi jieħdu l-azzjonijiet kollha xierqa biex jiġi żgurat li l-klawżola ta' esklussività skont l-Artikolu 7(4) u (5) tal-Konvenzjoni HNS 2010, li permezz tagħha ma tista' ssir l-ebda pretensjoni oħra kontra sid il-bastiment ħlief f'konformità ma' din il-Konvenzjoni, tiġi rispettata bis-sħiħ mill-Istati Membri li jirratifikaw jew li jaderixxu skont l-Artikolu 4(2) u l-Anness IV tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali;

(vi)

Jiżguraw li jitnaqqas ir-riskju li jinħoloq u jiġi konsolidat żvantaġġ kompetittiv għall-istati li huma lesti biex jaderixxu mal-Konvenzjoni HNS 2010, meta mqabbla ma' dawk li possibilment jixtiequ jibdew dan il-proċess aktar tard u jibqgħu marbuta bid-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali biss;

(vii)

Jiżguraw it-tneħħija tal-koeżistenza permanenti ta' żewġ reġimi ta' responsabbiltà marittima – wieħed ibbażat fl-Unjoni u ieħor internazzjonali – li tirriżulta fil-frammentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, barra minn hekk, tikkomprometti l-allokazzjoni ċara tar-responsabbiltà u tista' twassal għal proċeduri twal u għaljin għad-detriment tal-vittmi u l-industrija tat-tbaħħir;

(viii)

Jiżguraw f'dan ir-rigward li jiġi impost obbligu ċar fuq l-Istati Membri li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiksbu riżultat konkret, jiġifieri li jirratifikaw jew jaderixxu mal-Konvenzjoni HNS 2010 fi żmien raġonevoli, li ma għandux ikun itwal minn sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Kunsill;

2.

Jikkonkludi li din ir-riżoluzzjoni se tkun possibbiltà oħra għall-Kunsill u għall-Kummissjoni biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu jitlob iktar diskussjonijiet mal-Kummissjoni u l-Kunsill;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll ill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014, 1/13, ECLI:EU:C:2014:2303.

(2)  ĠU L 337, 13.12.2002, p. 55.

(3)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.

(4)  Nota punt 13142/15.

(5)  Disponibbli onlajn fuq: http://www.ics-shipping.org/docs/default-source/Submissions/EU/hazardous-and-noxious-substances.pdf.

(6)  Disponibbli onlajn fuq: http://ec.europa.eu/environment/legal/liability/pdf/BIO%20ELD%20Effectiveness_report.pdf.

(7)  PE576.992.

(8)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Lulju 2012, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, C-130/10, ECLI:EU:C:2012:472, punt 42.

(9)  Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Marzu 1993, 2/91, ECLI:EU:C:1993:106, punt 25; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Novembru 2002, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tad-Danimarka, C–467/98, ECLI:EU:C:2002:625, punt 82; Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Frar 2006, 1/03, ECLI:EU:C:2006:81, punti 120 u 126; Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014, 1/13, ECLI:EU:C:2014:2303.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/168


P8_TA(2016)0260

Ratifika u adeżjoni tal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Perikolużi u ta' Ħsara bl-eċċezzjoni ta' aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-ratifika u l-adeżjoni mill-Istati Membri, f'isem l-Unjoni, mal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbilità u l-Kumpens għall-Ħsara b’Konnessjoni mat-Trasportazzjoni bil-Baħar ta’ Sustanzi Perikolużi u ta’ Ħsara fir-rigward tal-aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili (14112/2015 – C8-0409/2015 – 2015/0136(NLE))

(2018/C 086/36)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14112/2015),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 81 u l-Artikolu 218(6)(a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8–0409/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattati,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014 (1),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni internazzjonali fuq ir-responsabilità u l-kumpens għal dannu kkawżat mill-ġarr bil-baħar ta’ sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi, tal-1996 ('il-Konvenzjoni HNS 1996'),

wara li kkunsidra l-Protokoll tal-2010 tal-Konvenzjoni HNS 1996 ('il-Konvenzjoni HNS 2010'),

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2015)0305),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/971/KE tat-18 ta' Novembru 2002 li tawtorizza lill-Istati Membri biex, fl-interess tal-Komunità, jirratifikaw jew jaderixxu mal-Konvenzjoni HNS 1996 (2),

wara li kkunsidra l-“proposal for a Council decision authorizing the Member States to ratify in the interest of the European Community the International Convention on Liability and Compensation for Damage in Connection with the Carriage of Hazardous and Noxious Substances by Sea, 1996” (il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw fl-interess tal-Komunità Ewropea l-Konvenzjoni internazzjonali fuq ir-responsabilità u l-kumpens għal dannu kkawżat mill-ġarr bil-baħar ta’ sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi, tal-1996) (il-“Konvenzjoni HNS”) (COM(2001)0674),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (3) (ir-“riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I”),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni għall-minuti tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru u tat-8 ta' Diċembru 2015 (4),

wara li kkunsidra d-dokument tat-18 ta' Settembru 2015 tal-industrija tat-tbaħħir li jħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw jew jaderixxu mal-Protokoll tal-2010 tal-Konvenzjoni HNS malajr kemm jista' jkun f'konformità mal-approċċ propost mill-Kummissjoni (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8–0190/2016),

A.

billi l-għan tal-Konvenzjoni HNS 2010 huwa li tiggarantixxi r-responsabilità u l-ħlas ta' kumpens adegwat, fil-pront u effettiv għat-telf jew ħsara lill-persuni, lill-proprjetà u lill-ambjent li jirriżulta mill-ġarr ta' sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi bil-baħar permezz tal-Fond Internazzjonali speċjalizzat ta' kumpens għall-HNS;

B.

billi l-prinċipji bażiċi sottostanti għall-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni HNS 2010, huma r-responsabilità stretta ta' sid il-bastiment, l-assigurazzjoni mandatarja li tkopri d-danni lil partijiet terzi, id-dritt ta' rikors dirett ta' persuni li jsofru danni kontra l-assiguratur, il-limitazzjoni tar-responsabilità u, fil-każ taż-żejt u ta' sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi, fond speċjali ta' kumpensi li jħallas għad-danni meta dawn jaqbżu l-limiti tar-responsabilità ta' sid il-bastiment;

C.

billi, għalhekk, minn naħa waħda hi għandha l-għan li tiddisponi għall-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” u għall-prinċipji ta' prevenzjoni u prekawzjoni li jfisser li għandha tittieħed azzjoni preventiva fil-każ ta' dannu ambjentali possibbli, u għalhekk taqa' taħt il-politika u l-prinċipji ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-ambjent, u min-naħa l-oħra għandha l-għan li tirregola kwistjonijiet li jirriżultaw mid-danni kkawżati mit-trasport marittimu, u li tevita u tnaqqas danni bħal dawn, u għalhekk taqa' taħt il-politika tal-Unjoni dwar it-trasport;

D.

billi l-Konvenzjoni HNS 2010 tinkludi regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-istati partijiet fuq il-pretensjonijiet imressqa minn persuni li jġarrbu danni koperti mill-konvenzjoni kontra sid il-bastiment jew l-assikuratur tiegħu, jew kontra l-Fond speċjalizzat tal-kumpens għall-HNS, u tinkludi wkoll regoli dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi mill-qrati fl-istati partijiet;

E.

billi skont il-proposta tal-Kummissjoni (COM(2015)0305), il-konklużjoni tal-Konvenzjoni HNS 2010, għalhekk 'tikkoinċidi mal-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tar-riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I;

F.

billi r-riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I tippermetti raġunijiet multipli ta' ġurisdizzjoni, meta fl-istess ħin il-Kapitolu IV tal-Konvenżjoni HNS 2010 jistabbilixxi reġim restrittiv ħafna ta' ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-atturi u tiżgura l-applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar ir-responsabilità u l-kumpens;

G.

billi minn naħa waħda n-natura speċifika tar-reġim ta' ġurisdizzjoni tal-Konvenzjoni HNS 2010 għandha l-għan li tiżgura li l-vittmi ta' inċidenti jistgħu jibbenefikaw minn regoli proċedurali ċari u ċertezza legali, u b'hekk twassal għal pretensjonijiet aktar effettivi quddiem il-qrati, u min-naħa l-oħra d-diffikultajiet legali u prattiċi antiċipati li huma involuti fl-applikazzjoni ta' reġim ta' ġurisdizzjoni separat mal-Unjoni meta mqabbel ma' dak li japplika għall-partijiet l-oħra tal-Konvenzjoni HNS 2010, jiġġustifikaw eċċezzjoni għall-applikazzjoni ġenerali tar-riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I;

H.

billi d-Danimarka hija eżentata mill-applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE u ma tiħux sehem fl-adozzjoni tad-deċizjoni proposta tal-Kunsill fir-rigward tal-aspetti relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili;

I.

billi l-koinċidenza bejn il-Konvenzjoni HNS 2010 u r-regoli tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali sawret il-bażi ġuridika għad-Deċiżjoni 2002/971/KE, peress li l-Protokoll HNS 2010 emenda l-Konvenzjoni HNS 1996, l-effett tal-Konvenzjoni HNS 2010 fuq ir-regoli tal-Unjoni għandu jiġi vvalutat fid-dawl tal-kamp ta' applikazzjoni u tar-regoli tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva dwar ir-responsabilità ambjentali") (6) li saret parti mill-ordinament ġuridiku tal-UE mindu ġiet adottata d-Deċiżjoni 2002/971/KE;

J.

billi d-Direttiva dwar ir-responsabilità ambjentali teskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha danni ambjentali jew theddid imminenti ta' tali danni li huma koperti mill-Konvenzjoni HNS 2010 ladarba din tal-aħħar tidħol fis-seħħ (l-Artikolu 4(2) u l-Anness IV tad-Direttiva dwar ir-responsabilità ambjentali);

K.

billi l-Konvenzjoni HNS 2010 tistabbilixxi responsabilità stretta ta' sid il-bastiment għal kwalunkwe dannu li jirriżulta mill-ġarr tal-HNS bil-baħar kopert mill-Konvenzjoni, kif ukoll l-obbligu li tinħareġ assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra li tkopri r-responsabilità tiegħu għal danni skont il-Konvenzjoni, li tipprojbixxi għal dak il-għan kwalunkwe pretensjoni oħra li ssir kontra sid il-bastiment ħlief skont din il-Konvenzjoni (l-Artikolu 7(4)(5));

L.

billi sakemm l-Istati Membri kollha ma jkunux irratifikaw jew aderixxew mal-Konvenzjoni HNS 2010 fl-istess limiti ta' żmien, hemm riskju li l-industrija tat-tbaħħir tkun soġġetta għal żewġ reġimi ġuridiċi differenti fl-istess ħin, wieħed tal-Unjoni u ieħor internazzjonali, u dan jista' joħloq ukoll disparità għall-vittmi tat-tniġġis, bħalma huma komunitajiet kostali, is-sajjieda, eċċ. u jkun ukoll kontra l-ispirtu tal-Konvenzjoni HNS 2010;

M.

billi l-Konvenzjonijiet l-oħra tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali inklużi fl-Anness IV tad-Direttiva dwar ir-responsabilità ambjentali wrew li huma effettivi, peress li rnexxielhom jilħqu bilanċ bejn l-interessi ambjentali u kummerċjali permezz tal-allokazzjoni ċara tar-responsabilità li permezz tagħha normalment ma jkunx hemm inċertezza dwar min hija l-parti responsabbli, kif ukoll permezz tal-istabbiliment ta' assigurazzjoni obbligatorja u mekkaniżmi rapidi ta' kumpens, li mhumiex limitati biss għad-danni ambjentali;

1.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqisu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

(i)

Jiżguraw li l-uniformità, l-integrità u l-effettività tar-regoli komuni tal-Unjoni ma jiġux affettwati b'mod negattiv mill-impenji internazzjonali meħuda mir-ratifika tal-Konvenzjoni HNS 2010 jew mill-adeżjoni magħha skont il-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (7);

(ii)

Jagħtu attenzjoni akbar f'dan ir-rigward lill-koinċidenza tar-riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I u l-Konvenzjoni HNS tal-2010 sa fejn ikunu kkonċernati r-regoli tal-proċedura applikabbli għat-talbiet u l-azzjonijiet skont din il-Konvenzjoni quddiem il-qrati ta' stati partijiet;

(iii)

Jiżguraw li l-possibilità ta' kunflitt bejn id-Direttiva dwar ir-responsabilità ambjentali u l-Konvenzjoni HNS 2010 tiġi minimizzata billi jieħdu l-azzjoni kollha xierqa biex jiġi żgurat li l-klawsola ta' esklużività skont l-Artikolu 7(4) u (5) tal-Konvenzjoni HNS 2010, li permezz tagħha ma tista' ssir l-ebda pretensjoni oħra kontra sid il-bastiment ħlief skont din il-Konvenzjoni, tiġi rispettata bis-sħiħ mill-Istati Membri ratifikanti jew aderenti;

(iv)

Jiżguraw li jitnaqqas ir-riskju li jinħoloq u jiġi konsolidat żvantaġġ kompetittiv għall-istati li huma lesti biex jaderixxu mal-Konvenzjoni HNS 2010, meta mqabbla ma' dawk li possibilment jixtiequ jħallu dan il-proċess għal aktar tard u jibqgħu marbuta bid-Direttiva dwar ir-responsabilità ambjentali biss;

(v)

Jiżguraw it-tneħħija tal-koeżistenza permanenti ta' żewġ reġimi ta' responsabilità marittima – wieħed ibbażat fl-Unjoni u ieħor internazzjonali – li tirriżulta fil-frammentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, barra minn hekk, tikkomprometti l-allokazzjoni ċara tar-responsabilità u tista' twassal għal proċeduri twal u għaljin għad-detriment tal-vittmi u l-industrija tat-tbaħħir;

(vi)

Jiżguraw f'dan ir-rigward li jiġi impost obbligu ċar fuq l-Istati Membri sabiex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiksbu riżultat konkret, jiġifieri li jirratifikaw jew jaderixxu mal-Konvenzjoni HNS 2010 fi żmien raġonevoli, li ma għandux ikun itwal minn sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Kunsill;

2.

Jikkonkludi li din ir-riżoluzzjoni se tkun possibilità oħra għall-Kunsill u għall-Kummissjoni biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jitlob iktar diskussjonijiet mal-Kummissjoni u l-Kunsill;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014, 1/13, ECLI:EU:C:2014:2303.

(2)  ĠU L 337, 13.12.2002, p. 55.

(3)  ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.

(4)  Nota punt 13142/15.

(5)  Disponibbli onlajn fuq: http://www.ics-shipping.org/docs/default-source/Submissions/EU/hazardous-and-noxious-substances.pdf.

(6)  Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).

(7)  Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Marzu 1993, 2/91, ECLI:EU:C:1993:106, punt 25; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Novembru 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju tad-Danimarka, C–467/98, ECLI:EU:C:2002:625, punt 82; Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Frar 2006, 1/03, ECLI:EU:C:2006:81, punti 120 u 126; Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014, 1/13, ECLI:EU:C:2014:2303.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/172


P8_TA(2016)0261

Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Filippini (adeżjoni tal-Kroazja) ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll għall-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (13085/2014 – C8-0009/2015 – 2014/0224(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 086/37)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (13085/2014),

wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll għall-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (13082/2014),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207 u 209 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0009/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0148/2016),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-protokoll;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Filippini.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/173


P8_TA(2016)0262

Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Filippini (approvazzjoni) ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Qafas ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (05431/2015 – C8-0061/2015 – 2013/0441(NLE))

(Approvazzjoni)

(2018/C 086/38)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (05431/2015),

wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Ftehim Qafas ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (15616/2010),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207 u 209 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0061/2015),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 (1) dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0149/2016),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Filippini.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0263.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/174


P8_TA(2016)0264

Assistenza makrofinanzjarja lit-Tuneżija ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lit-Tuneżija (COM(2016)0067 – C8-0032/2016 – 2016/0039(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 086/39)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0067),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0032/2016),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-1 ta' Ġunju 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0187/2016),

1.

Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, li tidher hawn taħt;

2.

Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni.

3.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


P8_TC1-COD(2016)0039

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-8 ta' Ġunju 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva 2014/…/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lit-Tuneżija

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att finali, d-Deċiżjoni UE 2016/1112.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Din id-Deċiżjoni qed tiġi adottata bla ħsara għad-Dikjarazzjoni Konġunta adottata flimkien mad-Deċiżjoni 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja, li għandha tibqa' titqies bħala l-bażi għad-deċiżjonijiet kollha tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jipprovdu assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi u territorji terzi.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/176


P8_TA(2016)0265

Regoli kontra ċerti prattiki ta' evitar tat-taxxa *

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (COM(2016)0026 – C8-0031/2016 – 2016/0011(CNS))

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

(2018/C 086/40)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2016)0026),

wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0031/2016),

wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Parlament Malti u l-Parlament Żvediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

wara li kkunsidra l-Artikoli 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0189/2016),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.

Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda 1

Proposta għal direttiva

Premessa 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1)

Il-prijoritajiet politiċi attwali fit-tassazzjoni internazzjonali jenfasizzaw il-ħtieġa li jkun żgurat li titħallas it-taxxa fejn jiġu ġġenerati profitti u valur. Għaldaqstant huwa essenzjali li tiġi rrestawrata l-fiduċja fil-korrettezza tas-sistemi tat-taxxa u li l-gvernijiet jitħallew jeżerċitaw b’mod effettiv is-sovranità fiskali tagħhom. Dawn l-għanijiet politiċi ġodda ġew tradotti f’rakkomandazzjonijiet ta’ azzjoni konkreta fil-kuntest tal-inizjattiva kontra l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt (BEPS) mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Bi tweġiba għall-ħtieġa ta’ tassazzjoni aktar ġusta, fil-Komunikazzjoni tagħha tas-17 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni tistabbilixxi Pjan ta’ Azzjoni għal Tassazzjoni Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea (3) (il-Pjan ta’ Azzjoni).

(1)

Il-prijoritajiet politiċi attwali fit-tassazzjoni internazzjonali jenfasizzaw il-ħtieġa li jkun żgurat li titħallas it-taxxa fejn jiġu ġġenerati profitti u  fejn jinħoloq valur. Għaldaqstant huwa essenzjali li tiġi rrestawrata l-fiduċja fil-korrettezza tas-sistemi tat-taxxa u li l-gvernijiet jitħallew jeżerċitaw b’mod effettiv is-sovranità fiskali tagħhom. Dawn l-għanijiet politiċi ġodda ġew tradotti f’rakkomandazzjonijiet ta’ azzjoni konkreta fil-kuntest tal-inizjattiva kontra l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt (BEPS) mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Bi tweġiba għall-ħtieġa ta’ tassazzjoni aktar ġusta, fil-Komunikazzjoni tagħha tas-17 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni tistabbilixxi Pjan ta’ Azzjoni għal Tassazzjoni Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea (3) (il-Pjan ta’ Azzjoni) li fih tirrikonoxxi li Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) kompleta, bi kriterju ta' distribuzzjoni xierqa u ġusta, tkun il-veru fattur ta' bidla fil-ġlieda kontra strateġiji artifiċjali tal-BEPS . Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni għandha tippubblika proposta ambizzjuża għal BKKTK mill-aktar fis possibbli, u l-awtorità leġiżlattiva għandha tikkonkludi n-negozjati dwar dik il-proposta kruċjali mill-aktar fis possibbli. Għandha titqies kif xieraq il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2012 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK).

Emenda 2

Proposta għal direttiva

Premessa 1a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(1a)

L-Unjoni temmen li l-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa hija prijorità politika prevalenti, peress li prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa huma inaċċettabbli mill-perspettiva tal-integrità tas-suq intern u tal-ġustizzja soċjali.

Emenda 3

Proposta għal direttiva

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2)

Il-parti l-kbira tal-Istati Membri, fil-kapaċità tagħhom ta’ membri tal-OECD, intrabtu li jimplimentaw r-riżultat tal-15-il punt ta’ Azzjoni kontra l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitti, ippubblikati fil-5 ta’ Ottubru 2015. Għaldaqstant huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern li, bħala minimu, l-Istati Membri jimplimentaw l-impenn tagħhom taħt il-BEPS u b’mod aktar wiesa’, jieħdu azzjoni sabiex jiskoraġġixxu l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa u jiżguraw tassazzjoni ġusta u effettiva fl-Unjoni b’mod koerenti u kkoordinat biżżejjed. F’suq ta’ ekonomiji integrati ħafna, hemm bżonn ta’ approċċi strateġiċi komuni u azzjoni kkoordinata, li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u li nimmassimizzaw l-effetti pożittivi tal-inizjattiva kontra l-BEPS . Barra minn hekk, qafas komuni biss jista’ jipprevjeni l-frammentazzjoni tas-suq u jtemm id-diskrepanzi u d-distorsjonijiet tas-suq li jeżistu attwalment . Finalment, miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali li jsegwu linja komuni madwar l-Unjoni jipprovdu lill-kontribwenti ċ-ċertezza legali li dawk il-miżuri huma kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.

(2)

Il-parti l-kbira tal-Istati Membri, fil-kapaċità tagħhom ta’ membri tal-OECD, intrabtu li jimplimentaw ir-riżultat tal-15-il punt ta’ Azzjoni kontra l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitti ġenwini , ippubblikati fil-5 ta’ Ottubru 2015. Għaldaqstant huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern li, bħala minimu, l-Istati Membri jimplimentaw l-impenn tagħhom taħt il-BEPS u b’mod aktar wiesa’, jieħdu azzjoni sabiex jiskoraġġixxu l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa u jiżguraw tassazzjoni ġusta u effettiva fl-Unjoni b’mod koerenti u kkoordinat biżżejjed. F’suq ta’ ekonomiji integrati ħafna, hemm bżonn ta’ approċċi strateġiċi komuni u azzjoni kkoordinata, li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u li nimmassimizzaw l-effetti pożittivi tal-inizjattiva kontra strateġiji ta' BEPS ġenwini, filwaqt li fl-istess ħin titħares kif xieraq il-kompetittività tal-kumpaniji li joperaw f'dak is-suq intern . Barra minn hekk, qafas komuni biss jista’ jipprevjeni l-frammentazzjoni tas-suq u jtemm id-diskrepanzi u d-distorsjonijiet tas-suq li jeżistu attwalment. Finalment, miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali li jsegwu linja komuni madwar l-Unjoni jipprovdu lill-kontribwenti ċ-ċertezza legali li dawk il-miżuri huma kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. F'Unjoni kkaratterizzata minn swieq nazzjonali li huma differenti ħafna, valutazzjoni tal-impatt li tiġbor fiha l-miżuri antiċipati kollha tibqa' kruċjali biex jiġi żgurat li din il-linja komuni ssib appoġġ mifrux fost l-Istati Membri.

Emenda 4

Proposta għal direttiva

Premessa 3a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a)

Peress li r-rifuġji fiskali jistgħu jiġu kklasifikati bħala trasparenti mill-OECD, għandhom jitressqu proposti biex tiżdied it-trasparenza ta' fondi fiduċjarji u fondazzjonijiet.

Emenda 5

Proposta għal direttiva

Premessa 4a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4a)

Huwa essenzjali li l-awtoritajiet tat-taxxa jingħataw il-mezzi xierqa biex ikunu jistgħu jiġġieldu b'mod effikaċi kontra l-BEPS u, b'dan il-mod, itejbu t-trasparenza fir-rigward tal-attivitajiet tal-kumpaniji multinazzjonali kbar, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-profitti, it-taxxa mħallsa fuq il-profitti, is-sussidji riċevuti, ir-rimborżi tat-taxxa, in-numru ta' impjegati u l-assi miżmuma.

Emenda 6

Proposta għal direttiva

Premessa 4b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4b)

Biex tiġi żgurata l-konsistenza fir-rigward tat-trattament ta' stabbilimenti permanenti, huwa essenzjali li l-Istati Membri japplikaw definizzjoni komuni ta' stabbilimenti permanenti skont l-Artikolu 5 tal-Mudell tal-OECD ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u l-Kapital.

Emenda 7

Proposta għal direttiva

Premessa 4c (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4c)

Biex tiġi evitata allokazzjoni inkonsistenti tal-profitti lil stabbilimenti permanenti, l-Istati Membri għandhom isegwu regoli għal profitti attribwibbli lil stabbilimenti permanenti li huma konformi mal-Artikolu 7 tal-Mudell tal-OECD ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u l-Kapital u għandhom jallinjaw il-liġi applikabbli u t-trattati bilaterali tagħhom ma' dawk ir-regoli, meta dawn ir-regoli jiġu rieżaminati.

Emenda 8

Proposta għal direttiva

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli kontra l-erożjoni tal-bażijiet tat-taxxa fis-suq intern u t-trasferiment tal-profitti ’l barra mis-suq intern. Ir-regoli f’dawn l-oqsma li ġejjin huma meħtieġa sabiex jikkontribwixxu għall-kisba ta’ dak l-għan: limitazzjonijiet fit-tnaqqis tal-imgħax, it-tassazzjoni tal-ħruġ, klawżola ta’ bdil, regola ġenerali kontra l-abbuż, regoli għall-kumpaniji kkontrollati minn barra ’l pajjiż u qafas għall-indirizzar tad-diskrepanzi ibridi. Meta l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli toħloq tassazzjoni doppja, il-kontribwenti għandhom jirċievu ħelsien mit-taxxa bi tnaqqis għat-taxxa mħallsa fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz, skont il-każ. B’hekk, ir-regoli mgħandhomx jimmiraw biss li jiġġieldu l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa iżda jevitaw ukoll li joħolqu ostakoli oħrajn għas-suq, bħat-tassazzjoni doppja.

(5)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli kontra l-erożjoni tal-bażijiet tat-taxxa fis-suq intern u t-trasferiment tal-profitti ’l barra mis-suq intern. Ir-regoli f’dawn l-oqsma li ġejjin huma meħtieġa sabiex jikkontribwixxu għall-kisba ta’ dak l-għan: limitazzjonijiet fit-tnaqqis tal-imgħax, miżuri bażiċi ta' difiża kontra l-użu ta' ġurisdizzjonijiet ta' segretezza jew b'rata baxxa ta' taxxa għall-BEPS , it-tassazzjoni tal-ħruġ, definizzjoni ċara ta' stabbiliment permanenti, regoli preċiżi li jirregolaw il-prezzar ta' trasferiment, qafas għal sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, klawżola ta’ bdil fin-nuqqas ta' trattat sod dwar it-taxxa ta' effett simili ma' pajjiż terz , regola ġenerali kontra l-abbuż, regoli għall-kumpaniji kkontrollati minn barra ’l pajjiż u qafas għall-indirizzar tad-diskrepanzi ibridi. Meta l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli toħloq tassazzjoni doppja, il-kontribwenti għandhom jirċievu ħelsien mit-taxxa bi tnaqqis għat-taxxa mħallsa fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz, skont il-każ. B’hekk, ir-regoli m'għandhomx jimmiraw biss li jiġġieldu l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa iżda jevitaw ukoll li joħolqu ostakoli oħrajn għas-suq, bħat-tassazzjoni doppja. Biex dawk ir-regoli jiġu applikati b'mod korrett, l-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri jrid ikollhom ir-riżorsi adatti. Minkejja dan, huwa wkoll meħtieġ li jiġi stabbilit urġentememt sett wieħed ta' regoli għall-kalkolu tal-profitti taxxabbli ta' kumpaniji transkonfinali fl-Unjoni billi gruppi korporattivi jiġu trattati bħala entità waħda għall-finijiet tat-taxxa, sabiex jissaħħaħ is-suq intern u jiġu eliminati ħafna mid-dgħufijiet tal-qafas tat-taxxa korporattiva attwali li jippermettu ppjanar aggressiv tat-taxxa.

Emenda 9

Proposta għal direttiva

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6)

Fi sforz biex inaqqsu l-obbligu fiskali globali tagħhom, il-gruppi ta’ kumpaniji transkonfinali qegħdin dejjem aktar jittrasferixxu l-profitti, normalment permezz ta’ ħlasijiet ta’ mgħax esaġerat , mill-ġurisdizzjonijiet b’taxxa għolja għal pajjiżi bi skemi ta’ taxxa aktar baxxi. Ir-regola tal-limitazzjoni tal-imgħax hija meħtieġa biex tiskoraġġixxi prattiki bħal dawn billi tillimita l-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-ispejjeż finanzjarji netti (jiġifieri l-ammont li bih l-ispejjeż finanzjarji jaqbżu d-dħul finanzjarju). Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi ffissat proporzjon għall-possibbiltà ta’ tnaqqis li jirreferi għall-qligħ ta’ kontribwent qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-amortizzamenti (EBITDA). Il-fatturat finanzjarju eżenti mit-taxxa mgħandux ikun ikkumpensat bi spejjeż finanzjarji. Dan għaliex id-dħul taxxabbli biss għandu jiġi kkunsidrat fid-determinazzjoni tal-ammont li għandu jitnaqqas mill-imgħax. Biex ikunu ffaċilitati dawk il-kontribwenti li huma f’inqas riskju relatat mal-erożjoni tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti, l-imgħax nett għandu dejjem ikun deduċibbli sa ammont massimu fiss, li jibda japplika meta jwassal għal tnaqqis ogħla mill-proporzjon ibbażat fuq l-EBITDA. Meta l-kontribwent ikun parti minn grupp li jiffajlja kontijiet statutorji konsolidati, id-dejn tal-grupp globali għandu jiġi kkunsidrat biex il-kontribwenti jingħataw il-permess inaqqsu ammonti ogħla ta’ spejjeż finanzjarji netti. Ir-regola tal-limitazzjoni tal-imgħax għandha tapplika f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż finanzjarji netti ta’ kontribwent mingħajr distinzjoni ta’ jekk l-ispejjeż joriġinawx f’dejn magħmul fil-pajjiż, lil hinn mill-fruntieri fl-Unjoni jew f’pajjiż terz. Għalkemm huwa ġeneralment aċċettat li l-impriżi finanzjarji, jiġifieri l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni, ukoll għandhom ikunu soġġetti għal limitazzjonijiet fit-tnaqqis tal-imgħax, huwa rikonoxxut ukoll li dawn iż-żewġ setturi għandhom karatteristiċi speċjali li jitolbu approċċ aktar personalizzat. Peress li d-diskussjonijiet f’dan il-qasam għadhom mhumiex konklussivi biżżejjed fil-kuntest internazzjonali u dak Ewropew, għadu mhuwiex possibbli li jiġu pprovduti regoli speċifiċi fis-settur finanzjarju u dak tal-assigurazzjoni.

(6)

Fi sforz biex inaqqsu l-obbligu fiskali globali tagħhom, il-gruppi ta’ kumpaniji transkonfinali qegħdin dejjem aktar jittrasferixxu l-profitti, normalment permezz ta’ ħlasijiet ta’ mgħax esaġerati , mill-ġurisdizzjonijiet b’taxxa għolja għal pajjiżi bi skemi ta’ taxxa aktar baxxi. Ir-regola tal-limitazzjoni tal-imgħax hija meħtieġa biex tiskoraġġixxi prattiki BEPS ġenwini bħal dawn billi tillimita l-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-ispejjeż finanzjarji netti (jiġifieri l-ammont li bih l-ispejjeż finanzjarji jaqbżu d-dħul finanzjarju) tal-kontribwenti . Fir-rigward tal-kostijiet tal-imgħax, għaldaqstant jeħtieġ li jiġi ffissat proporzjon għall-possibbiltà ta’ tnaqqis li jirreferi għall-qligħ ta’ kontribwent qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-amortizzamenti (EBITDA). Il-fatturat finanzjarju eżenti mit-taxxa m'għandux ikun ikkumpensat bi spejjeż finanzjarji. Dan għaliex id-dħul taxxabbli biss għandu jiġi kkunsidrat fid-determinazzjoni tal-ammont li għandu jitnaqqas mill-imgħax. Biex ikunu ffaċilitati dawk il-kontribwenti li huma f’inqas riskju relatat mal-erożjoni tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti, l-imgħax nett għandu dejjem ikun deduċibbli sa ammont massimu fiss, li jibda japplika meta jwassal għal tnaqqis ogħla mill-proporzjon ibbażat fuq l-EBITDA. Meta l-kontribwent ikun parti minn grupp li jiffajlja kontijiet statutorji konsolidati, id-dejn tal-grupp globali għandu jiġi kkunsidrat biex il-kontribwenti jingħataw il-permess inaqqsu ammonti ogħla ta’ spejjeż finanzjarji netti. Ir-regola tal-limitazzjoni tal-imgħax għandha tapplika f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż finanzjarji netti ta’ kontribwent mingħajr distinzjoni ta’ jekk l-ispejjeż joriġinawx f’dejn magħmul fil-pajjiż, lil hinn mill-fruntieri fl-Unjoni jew f’pajjiż terz. Huwa ġeneralment aċċettat li l-impriżi finanzjarji, jiġifieri l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni, ukoll għandhom ikunu soġġetti għal limitazzjonijiet fit-tnaqqis tal-imgħax, possibbilment b'approċċ aktar personalizzat.

Emenda 10

Proposta għal direttiva

Premessa 6a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6a)

Fil-każ tal-finanzjament ta' proġetti ta' infrastruttura fit-tul li huma fl-interess pubbliku permezz ta' dejn lil parti terza, fejn dak id-dejn ikun ogħla mil-limitu għal eżenzjoni stabbilita b'din id-Direttiva, għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jagħtu eżenzjoni lil self lil partijiet terzi li jiffinanzjaw proġetti ta' infrastruttura pubblika taħt ċerti kundizzjonijiet, peress li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet proposti dwar il-limitazzjoni tal-imgħax f'każijiet bħal dawn tkun kontroproduċenti.

Emenda 11

Proposta għal direttiva

Premessa 6b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6b)

It-trasferiment tal-profitti lejn ġurisdizzjonijiet ta' segretezza jew b'rata baxxa ta' taxxa joħloq riskju partikolari għar-rikavati mit-taxxa tal-Istati Membri kif ukoll għat-trattament ġust u ugwali bejn id-ditti li jevitaw it-taxxa u dawk li huma konformi magħha, kemm kbar kif ukoll żgħar. Minbarra l-miżuri ġeneralment applikabbli proposti f'din id-Direttiva għall-ġurisdizzjonijiet kollha, huwa essenzjali li ġurisdizzjonijiet ta' segretezza jew b'rata baxxa ta' taxxa jiġu skoraġġuti milli jibbażaw it-taxxa korporattiva u l-ambjent ġuridiku tagħhom fuq li jipprovdu kenn lill-profitti minn evitar tat-taxxa filwaqt li fl-istess ħin ma jimplimentawx b'mod adegwat standards globali fir-rigward ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, bħall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar it-taxxa, jew jinvolvu ruħhom f'nuqqas ta' konformità taċita billi ma jinfurzawx b'mod adatt il-liġijiet tat-taxxa. Għalhekk qed jiġu proposti miżuri speċifiċi sabiex din id-Direttiva tintuża bħala għodda li tiżgura l-konformità tal-ġurisdizzjonijiet attwali ta' segretezza jew b'rata baxxa ta' taxxa mal-ispinta internazzjonali għal trasparenza u ġustizzja fil-qasam tat-taxxa.

Emenda 13

Proposta għal direttiva

Premessa 7a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7a)

Spiss wisq, il-kumpaniji multinazzjonali jagħmlu arranġamenti biex jittrasferixxu l-profitti tagħhom lejn rifuġji fiskali mingħajr ma jkunu ħallsu ebda taxxa jew billi jħallsu rati baxxi ħafna ta' taxxa. Il-kunċett ta' stabbiliment permanenti jipprovdi definizzjoni preċiża u vinkolanti tal-kriterji li jridu jiġu ssodisfati jekk kumpanija multinazzjonali trid tagħti prova li tinsab f'pajjiż partikolari. Dan jobbliga lill-kumpaniji multinazzjonali jħallsu t-taxxi tagħhom b'mod ġust.

Emenda 14

Proposta għal direttiva

Premessa 7b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7b)

It-terminu “prezzar ta' trasferimenti” jirreferi għall-kundizzjonijiet u l-arranġamenti rigward it-tranżazzjonijiet imwettqa f'kumpanija multinazzjonali, inklużi sussidjarji u kumpaniji fittizji li l-profitti tagħhom huma ċeduti lil kumpanija multinazzjonali omm. Dan jikkonċerna l-prezzijiet imposti bejn kumpaniji assoċjati stabbiliti f'pajjiżi differenti għat-tranżazzjonijiet intragrupp tagħhom, bħat-trasferiment ta' oġġetti u ta' servizzi. Billi l-prezzijiet jiġu stabbiliti minn membri assoċjati mhux indipendenti fl-istess kumpanija multinazzjonali, dawn jistgħu ma jirriflettux il-prezz oġġettiv tas-suq. L-Unjoni trid tiżgura ruħha li l-profitti taxxabbli ġġenerati mill-kumpaniji multinazzjonali ma jiġux ittrasferiti barra mill-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri kkonċernati u li l-bażi tat-taxxa ddikjarata mill-kumpaniji multinazzjonali f'pajjiżhom tirrifletti l-attività ekonomika mwettqa hemmhekk. Għall-kontribwenti, huwa essenzjali li jiġu limitati r-riskji ta' nontassazzjoni doppja li jistgħu jirriżultaw minn tilwim bejn żewġ pajjiżi dwar id-determinazzjoni tal-prezz ta' distakkament tat-tranżazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma' intrapriżi assoċjati. Din is-sistema ma teskludix l-użu ta' firxa ta' arranġamenti artifiċjali, b'mod partikolari li jinvolvu prodotti li għalihom m'hemm l-ebda prezz tas-suq (pereżempju frankiġja jew servizzi provduti lill-intrapriżi).

Emenda 101/rev

Proposta għal direttiva

Premessa 7c (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7c)

Skemi marbuta mal-proprjetà intelletwali, mal-privattivi u mar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) jintużaw ħafna fl-Unjoni kollha. Bosta studji tal-Kummissjoni wrew b'mod ċar, madankollu, li r-rabta bejn is-sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi u l-promozzjoni tar-R&Ż f'ħafna każijiet hija waħda arbitrarja. L-OECD żviluppat l-approċċ nexus modifikat sabiex tirregola s-sistema ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi. Dan il-metodu jiggarantixxi li, fl-ambitu tas-sistema ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, rata ta' taxxa favorevoli tkun imposta biss fuq rikavati marbuta direttament ma' nfiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp. Madankollu, diġà qed tidher id-diffikultà li jiffaċċjaw l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-kunċetti ta' “nexus” u “sustanza ekonomika” għas-sistema tagħhom ta' inċentivi tat-taxxa favur l-innovazzjoni. Jekk, sa Jannar 2017, l-Istati Membri jkunu għadhom ma implimentawx l-approċċ nexus modifikat b'mod uniformi bil-għan li jeliminaw is-sistemi dannużi attwali ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta leġiżlattiva ġdida u vinkolanti skont l-Artikolu 116 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex iġġib 'il quddiem għat-30 ta' Ġunju 2017 l-abolizzjoni tas-sistemi dannużi preċedenti billi tqassar il-perjodu li matulu tapplika r-regola tal-anterjorità. Il-BKKTK għandha telimina l-kwistjoni tat-trasferiment tal-profitti permezz ta' ppjanar tat-taxxa fir-rigward tal-proprjetà intellettwali.

Emenda 16

Proposta għal direttiva

Premessa 7d (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7d)

It-tassazzjoni tal-ħruġ m'għandhiex tiġi imposta meta l-assi ttrasferiti jkunu assi tanġibbli li jiġġeneraw dħul attiv. Trasferimenti ta' assi bħal dawn huma parti inevitabbli ta' allokazzjoni effettiva tar-riżorsi minn intrapriża u mhumiex primarjament maħsuba għall-ottimizzazzjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, u b'hekk għandhom jiġu eżentati minn tali dispożizzjonijiet.

Emenda 17

Proposta għal direttiva

Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8)

Minħabba d-diffikultajiet inerenti fl-għoti ta’ ħelsien ta’ kreditu għal taxxi mħallsa barra l-pajjiż, l-Istati għandhom dejjem aktar it-tendenza li jeżentaw dħul barrani mit-tassazzjoni fl-Istat ta’ residenza. L-effett negattiv involontarju ta’ dan l-approċċ madankollu huwa li jinkoraġġixxi sitwazzjonijiet li fihom dħul mhux intaxxat jew intaxxat ftit jidħol fis-suq intern u mbagħad jiċċirkola – ħafna drabi mingħajr ma jkun ġie ntaxxat – fl-Unjoni, permezz tal-istrumenti disponibbli fil-liġi tal-Unjoni. Il-klawżoli ta’ bdil spiss jintużaw kontra prattiki bħal dawn. Għaldaqstant jeħtieġ li tiġi pprovduta klawżola ta’ bdil li tkun immirata kontra ċerti tipi ta’ dħul barrani, pereżempju, distribuzzjonijiet ta’ profitti, rikavati mid-disponiment ta’ ishma u profitti minn stabbilimenti permanenti li huma eżenti mit-taxxa fl-Unjoni u joriġinaw f’pajjiżi terzi . Dan id-dħul għandu jkun taxxabbli fl-Unjoni, jekk ġie intaxxat taħt ċertu livell fil-pajjiż terz. Jekk wieħed jikkunsidra li l-klawżola ta’ bdil ma teħtieġx kontroll fuq l-entità intaxxata ftit u għaldaqstant jista’ ma jkunx hemm aċċess għall-kontijiet statutorji tal-entità, il-komputazzjoni tar-rata tat-taxxa effettiva tista’ tkun eżerċizzju kkumplikat ħafna. Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jużaw ir-rata tat-taxxa statutorja meta japplikaw il-klawżola ta’ bdil . L-Istati Membri li japplikaw il-klawżola ta’ bdil għandhom jagħtu kreditu għat-taxxa mħallsa barra l-pajjiż, sabiex jevitaw l-intaxxar doppju.

(8)

Minħabba d-diffikultajiet inerenti fl-għoti ta’ ħelsien ta’ kreditu għal taxxi mħallsa barra l-pajjiż, l-Istati għandhom dejjem aktar it-tendenza li jeżentaw dħul barrani mit-tassazzjoni fl-Istat ta’ residenza. L-effett negattiv involontarju ta’ dan l-approċċ madankollu huwa li jinkoraġġixxi sitwazzjonijiet li fihom dħul mhux intaxxat jew intaxxat ftit jidħol fis-suq intern u mbagħad jiċċirkola – ħafna drabi mingħajr ma jkun ġie ntaxxat – fl-Unjoni, permezz tal-istrumenti disponibbli fil-liġi tal-Unjoni. Il-klawżoli ta’ bdil spiss jintużaw kontra prattiki bħal dawn. Għaldaqstant jeħtieġ li tiġi pprovduta klawżola ta’ bdil li tkun immirata kontra ċerti tipi ta’ dħul barrani, pereżempju, distribuzzjonijiet ta’ profitti, rikavati mid-disponiment ta’ ishma u profitti minn stabbilimenti permanenti li huma eżenti mit-taxxa fl-Unjoni. Dan id-dħul għandu jkun taxxabbli fl-Unjoni, jekk ġie intaxxat taħt ċertu livell fil-pajjiż ta' oriġini fin-nuqqas ta' trattat sod dwar it-taxxa ta' effett simili ma' dak il-pajjiż . L-Istati Membri li japplikaw il-klawżola ta’ bdil għandhom jagħtu kreditu għat-taxxa mħallsa barra l-pajjiż, sabiex jevitaw l-intaxxar doppju.

Emenda 96

Proposta għal direttiva

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9)

Regoli ġenerali kontra l-abbuż (GAARs) huma inklużi fis-sistemi fiskali sabiex jindirizzaw prattiki tat-taxxa abbużivi li għadhom ma ġewx indirizzati permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċikament immirati. Għaldaqstant il-GAARs għandhom funzjoni mmirata biex timla l-vojt, li mgħandux jaffettwa l-applikabbiltà ta’ regoli speċifiċi kontra l-abbuż. Fi ħdan l-Unjoni, l-applikazzjoni ta’ GAARs għandu jkun limitat għal arranġamenti li huma “kompletament artifiċjali” (mhux ġenwini); inkella, il-kontribwent għandu jkollu d-dritt li jagħżel l-aktar struttura effiċjenti ta’ taxxa għall-affarijiet kummerċjali tiegħu. Barra minn hekk huwa importanti li jkun żgurat li l-GAARs japplikaw f’sitwazzjonijiet interni, fi ħdan l-Unjoni u vis-à-vis pajjiżi terzi b’mod uniformi, biex l-ambitu u r-riżultati tal-applikazzjoni tagħhom f’sitwazzjonijiet interni u transkonfinali ma jvarjawx.

(9)

Regoli ġenerali kontra l-abbuż (GAARs) huma inklużi fis-sistemi fiskali sabiex jindirizzaw prattiki tat-taxxa abbużivi li għadhom ma ġewx indirizzati permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċikament immirati. Għaldaqstant il-GAARs għandhom funzjoni mmirata biex timla l-vojt, li mgħandux jaffettwa l-applikabbiltà ta’ regoli speċifiċi kontra l-abbuż. Fi ħdan l-Unjoni, l-applikazzjoni tal-GAARs għandha tiġi applikata għal arranġamenti attwati għall-iskop ewlieni jew wieħed mill-iskopijiet ewlenin li jinkiseb vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan u l-iskop tad-dispożizzjonijiet fiskali li kieku japplikaw mingħajr ma jipprevjenu kontribwent tat-taxxa milli jagħżel l-aktar struttura effiċjenti għal affarijiet kummerċjali tagħha. Barra minn hekk huwa importanti li jkun żgurat li l-GAARs japplikaw f’sitwazzjonijiet interni, fi ħdan l-Unjoni u vis-à-vis pajjiżi terzi b’mod uniformi, biex l-ambitu u r-riżultati tal-applikazzjoni tagħhom f’sitwazzjonijiet interni u transkonfinali ma jvarjawx.

Emenda 19

Proposta għal direttiva

Premessa 9a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9a)

Arranġament jew sensiela ta' arranġamenti jistgħu jitqiesu bħala mhux ġenwini meta dawn iwasslu għal tassazzjoni differenti ta' ċerti tipi ta' dħul, bħal dawk iġġenerati mill-privattivi.

Emenda 97

Proposta għal direttiva

Premessa 9 b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9b)

L-Istati Membri għandhom jimplementaw dispożizzjonijiet dettaljati li jiċċaraw it-tifsira ta’ arranġamenti mhux ġenwini u attivitajiet oħra fi kwestjonijiet tat-taxxa soġġetti għal sanzjonijiet. Is-sanzjonijiet għandhom jiġu delineati b’mod ċar sabiex ma tinħoloqx inċertezza legali u jkun dispost inċentiv qawwi għal konformità sħiħa mal-liġi tat-taxxa.

Emenda 21

Proposta għal direttiva

Premessa 9c (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9c)

L-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ sistema ta' penali kif previst fid-dritt nazzjonali u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

Emenda 22

Proposta għal direttiva

Premessa 9d (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9d)

Sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta' entitajiet ad hoc, bħal kumpaniji tal-isem jew kumpanniji fittizji bi trattament tat-taxxa aktar baxx, l-intrapriżi għandhom jikkorrispondu għad-definizzjonijiet ta' stabbiliment permanenti u ta' sustanza ekonomika minima stabbiliti fl-Artikolu 2.

Emenda 23

Proposta għal direttiva

Premessa 9e (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9e)

L-użu ta' kumpaniji tal-isem mill-kontribwenti li joperaw fl-Unjoni għandu jkun ipprojbit. Il-kontribwenti għandhom jikkomunikaw lill-awtoritajiet tat-taxxa evidenza li turi s-sustanza ekonomika ta' kull waħda mill-entitajiet fil-grupp tagħhom, bħala parti mill-obbligi tagħhom ta'rappurtar annwali pajjiż b'pajjiż.

Emenda 24

Proposta għal direttiva

Premessa 9f (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9f)

Sabiex jittejbu l-mekkaniżmi attwali għas-soluzzjoni ta' tilwim transkonfinali dwar it-tassazzjoni fl-Unjoni, filwaqt li l-enfasi ma ssirx biss fuq każijiet ta' tassazzjoni doppja iżda anke fuq in-nontassazzjoni doppja, sa Jannar 2017 għandu jiddaħħal mekkaniżmu b'regoli aktar ċari u bi skedi ta' żmien aktar stretti.

Emenda 25

Proposta għal direttiva

Premessa 9 g (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9 g)

L-identifikazzjoni xierqa tal-kontribwenti hija essenzjali għall-iskambju effettiv tal-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Il-ħolqien ta' numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa (NIT) Ewropew komuni jipprovdi l-aħjar mezzi għal din l-identifikazzjoni. Dan jippermetti lil kwalunkwe parti terza tidentifika u tirreġistra malajr, faċilment u b'mod korrett in-NIT f'relazzjonijiet transkonfinali u jservi ta' bażi għall-iskambju awtomatiku effettiv tal-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha wkoll taħdem b'mod attiv favur il-ħolqien ta' numru ta' identifikazzjoni simili fuq livell globali, bħall-Identifikatur tal-Entità Ġuridika Globali (LEI) tal-Kumitat tas-Sorveljanza Regolatorja;

Emenda 26

Proposta għal direttiva

Premessa 10

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10)

Ir-regoli dwar il-Kumpaniji Kkontrollati minn Barra l-Pajjiż (CFC) għandhom l-effett li jattribwixxu mill-ġdid id-dħul ta’ sussidjarja kkontrollata intaxxata ftit lill-kumpaniji prinċipali tagħha. Imbagħad, il-kumpanija prinċipali ssir taxxabbli għal dan id-dħul attribwit fl-Istat fejn hija residenti għall-finijiet tat-taxxa. Skont il-prijoritajiet politiċi ta’ dak l-Istat, ir-regoli dwar is-CFC jistgħu jkunu diretti lejn sussidjarja sħiħa ntaxxata ftit jew ikunu limitati għad-dħul li ġie devjat b’mod artifiċjali lejn is-sussidjarja. Huwa mixtieq li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet kemm fil-pajjiżi terzi kif ukoll fl-Unjoni. Sabiex ikun hemm konformità mal-libertajiet fundamentali, l-impatt tar-regoli fl-Unjoni għandu jkun limitat għall-arranġamenti li jirriżultaw f’trasferiment artifiċjali ta’ profitti mill-Istat Membru tal-kumpanija omm lejn is-CFC. F’dan il-każ, l-ammonti ta’ dħul attribwiti lill-kumpanija omm għandhom jiġu aġġustati skont il-prinċipju tad-distakkament, b’tali mod li l-Istat Membru tal-kumpanija omm biss jintaxxa l-ammonti tad-dħul tal-CFC sal-punt li ma jkunux konformi ma’ dan il-prinċipju. Ir-regoli dwar is-CFC għandhom jeskludu lill-impriżi finanzjarji mill-ambitu tagħhom meta dawn ikunu residenti taxxabbli fl-Unjoni, inklużi stabbilimenti permanenti ta’ tali impriżi li jinsabu fl-Unjoni. Dan għaliex l-ambitu għal applikazzjoni leġittima tar-regoli dwar is-CFC fl-Unjoni għandu jkun limitat għal sitwazzjonijiet artifiċjali mingħajr sustanza ekonomika, li jimplika li s-setturi finanzjarji u tal-assigurazzjoni rregolati ħafna aktarx li ma jkunux inklużi f’dawn ir-regoli.

(10)

Ir-regoli dwar il-Kumpaniji Kkontrollati minn Barra l-Pajjiż (CFC) għandhom l-effett li jattribwixxu mill-ġdid id-dħul ta’ sussidjarja kkontrollata intaxxata ftit lill-kumpaniji prinċipali tagħha. Imbagħad, il-kumpanija prinċipali ssir taxxabbli għal dan id-dħul attribwit fl-Istat fejn hija residenti għall-finijiet tat-taxxa. Skont il-prijoritajiet politiċi ta’ dak l-Istat, ir-regoli dwar is-CFC jistgħu jkunu diretti lejn sussidjarja sħiħa ntaxxata ftit jew ikunu limitati għad-dħul li ġie devjat b’mod artifiċjali lejn is-sussidjarja. Huwa mixtieq li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet kemm fil-pajjiżi terzi kif ukoll fl-Unjoni. L-impatt tar-regoli fl-Unjoni għandu jkopri l-arranġamenti kollha li wieħed mill-prinċipji ewlenin tagħhom huwa t-trasferiment artifiċjali ta’ profitti mill-Istat Membru tal-kumpanija omm lejn is-CFC. F’dan il-każ, l-ammonti ta’ dħul attribwiti lill-kumpanija omm għandhom jiġu aġġustati skont il-prinċipju tad-distakkament b’tali mod li l-Istat Membru tal-kumpanija omm biss jintaxxa l-ammonti tad-dħul tal-CFC sal-punt li ma jkunux konformi ma’ dan il-prinċipju. It-trikkib bejn ir-regoli dwar il-CFC u l-klawżola ta' bdil għandu jiġi evitat.

Emenda 27

Proposta għal direttiva

Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(11)

Id-diskrepanzi ibridi huma l-konsegwenza ta’ differenzi fil-karatterizzazzjoni ġuridika tal-pagamenti (strumenti finanzjarji) jew ta’ entitajiet u dawk id-differenzi jitfaċċaw fl-interazzjoni bejn is-sistemi legali taż-żewġ ġurisdizzjonijiet. L-effett ta’ tali diskrepanzi huwa spiss tnaqqis doppju (jiġifieri tnaqqis fiż-żewġ stati) jew tnaqqis tad-dħul fi stat wieħed mingħajr l-inklużjoni fil-bażi tat-taxxa fl-ieħor. Sabiex jiġi evitat dan ir-riżultat, hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli li permezz tagħhom wieħed miż-żewġ ġurisdizzjonijiet f’diskrepanza għandha tagħti karatterizzazzjoni ġuridika lill-istrument ibridu jew lill-entità u l-ġurisdizzjoni oħra għandha taċċetta dan. Għalkemm l-Istati Membri qablu dwar gwida, fil-qafas tal-Grupp tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi, dwar it-trattament tat-taxxa ta’ entitajiet ibridi (4) u stabbilimenti permanenti ibridi (5) ġewwa l-Unjoni kif ukoll dwar it-trattament tat-taxxa ta’ entitajiet ibridi f’relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, xorta waħda jeħtieġ li jiġu ppromulgati regoli vinkolanti. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi limitat l-ambitu ta’ dawn ir-regoli għad-diskrepanzi ibridi bejn l-Istati Membri. Id-diskrepanzi ibridi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi għadhom iridu jiġi eżaminati aktar.

(11)

Id-diskrepanzi ibridi huma l-konsegwenza ta’ differenzi fil-karatterizzazzjoni ġuridika tal-pagamenti (strumenti finanzjarji) jew ta’ entitajiet u dawk id-differenzi jitfaċċaw fl-interazzjoni bejn is-sistemi legali taż-żewġ ġurisdizzjonijiet. L-effett ta’ tali diskrepanzi huwa spiss tnaqqis doppju (jiġifieri tnaqqis fiż-żewġ stati) jew tnaqqis tad-dħul fi stat wieħed mingħajr l-inklużjoni fil-bażi tat-taxxa fl-ieħor. Sabiex jiġi evitat dan ir-riżultat, hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli li permezz tagħhom waħda miż-żewġ ġurisdizzjonijiet f’diskrepanza għandha tagħti karatterizzazzjoni ġuridika lill-istrument ibridu jew lill-entità u l-ġurisdizzjoni oħra għandha taċċetta dan . Meta tinħoloq tali diskrepanza bejn Stat Membru u pajjiż terz, tassazzjoni xierqa ta' tali operazzjoni trid tiġi salvagwardjata mill-Istat Membru. Għalkemm l-Istati Membri qablu dwar gwida, fil-qafas tal-Grupp tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi, dwar it-trattament tat-taxxa ta’ entitajiet ibridi (4) u stabbilimenti permanenti ibridi (5) ġewwa l-Unjoni kif ukoll dwar it-trattament tat-taxxa ta’ entitajiet ibridi f’relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, xorta waħda jeħtieġ li jiġu ppromulgati regoli vinkolanti.

Emenda 28

Proposta għal direttiva

Premessa 11a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(11a)

Għandhom jitfasslu definizzjoni għall-Unjoni kollha u “lista sewda” eżawrjenti tar-rifuġji fiskali u l-pajjiżi, fosthom dawk fl-Unjoni, li jgħawġu l-kompetizzjoni billi jagħtu arranġamenti tat-taxxa favorevoli. Il-lista sewda għandha tiġi komplementata b'lista ta' sanzjonijiet għal ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx u għal istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw f'rifuġji fiskali.

Emenda 29

Proposta għal direttiva

Premessa 12a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(12a)

Waħda mill-problemi ewlenin li jiffaċċjaw l-awtoritajiet tat-taxxa hija l-impossibilità li jiksbu aċċess fi żmien debitu għal informazzjoni komprensiva u rilevanti dwar l-istrateġiji ta' ppjanar tat-taxxa tal-Intrapriżi Multinazzjonali. Tali informazzjoni għandha tkun disponibbli, sabiex l-awtoritajiet tat-taxxa jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr għar-riskji tat-taxxa, billi jivvalutaw dawk ir-riskji b'mod aktar effettiv, filwaqt li jiddirezzjonaw il-verifiki u jenfasizzaw il-bidliet meħtieġa għal-liġijiet fis-seħħ.

Emenda 30

Proposta għal direttiva

Premessa 14

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(14)

Jekk wieħed iqis li għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa t-titjib tar-reżiljenza tas-suq intern inġenerali kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa transkonfinali, dan ma jistax jinkiseb biżżejjed jekk l-Istati Membri jaġixxu b’mod individwali. Is-sistemi tat-taxxa korporattiva nazzjonali huma diversi u azzjoni indipendenti mill-Istati Membri sempliċement tirreplika l-frammentazzjoni eżistenti tas-suq intern fit-tassazzjoni diretta. B’hekk tippermetti li jippersistu n-nuqqas ta’ effiċjenza u d-distorsjonijiet fl-interazzjoni ta’ miżuri nazzjonali differenti. Ir-riżultat ikun nuqqas ta’ koordinazzjoni. Pjuttost, minħabba l-fatt li nuqqas kbir ta’ effiċjenza fis-suq intern joħloq primarjament problemi ta’ natura transkonfinali, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri ta’ rimedju fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa kruċjali li jiġu adottati soluzzjonijiet li jiffunzjonaw għas-suq intern inġenerali u dan jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. B’hekk, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv. Bl-istabbiliment ta’ livell minimu ta’ protezzjoni għas-suq intern, din id-Direttiva għandha biss l-għan li tikseb il-grad minimu essenzjali ta’ koordinazzjoni fi ħdan l-Unjoni sabiex twettaq l-objettivi tagħha.

(14)

Jekk wieħed iqis li għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa t-titjib tar-reżiljenza tas-suq intern inġenerali kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa transkonfinali, dan ma jistax jinkiseb biżżejjed jekk l-Istati Membri jaġixxu b’mod individwali. Is-sistemi tat-taxxa korporattiva nazzjonali huma diversi u azzjoni indipendenti mill-Istati Membri sempliċement tirreplika l-frammentazzjoni eżistenti tas-suq intern fit-tassazzjoni diretta. B’hekk tippermetti li jippersistu n-nuqqas ta’ effiċjenza u d-distorsjonijiet fl-interazzjoni ta’ miżuri nazzjonali differenti. Ir-riżultat ikun nuqqas ta’ koordinazzjoni. Pjuttost, minħabba l-fatt li nuqqas kbir ta’ effiċjenza fis-suq intern joħloq primarjament problemi ta’ natura transkonfinali, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri ta’ rimedju fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa kruċjali li jiġu adottati soluzzjonijiet li jiffunzjonaw għas-suq intern inġenerali u dan jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. B’hekk, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv. Bl-istabbiliment ta’ livell minimu ta’ protezzjoni għas-suq intern, din id-Direttiva għandha biss l-għan li tikseb il-grad minimu essenzjali ta’ koordinazzjoni fi ħdan l-Unjoni sabiex twettaq l-objettivi tagħha. Madankollu, reviżjoni fil-fond tal-qafas legali għat-taxxa sabiex jiġu indirizzati l-prattiki ta' erożjoni tal-bażi tat-taxxa permezz ta' regolamentazzjoni kienet trendi possibbli l-kisba ta' eżitu aħjar fir-rigward tal-garanzija ta' kundizzjonijiet indaqs fis-suq intern kollu.

Emenda 31

Proposta għal direttiva

Premessa 14a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(14a)

Il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji u tivvaluta l-impatt possibbli ta' livelli għoljin ta' taxxa fuq ir-ripatrijazzjoni ta' kapital li jkun ġej minn pajjiżi terzi b'rati baxxi ta' taxxa.

Emenda 32

Proposta għal direttiva

Premessa 14b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(14b)

Il-ftehimiet kummerċjali u l-ftehimiet ta' sħubija ekonomika kollha li l-Unjoni hija parti kontraenti tagħhom għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet ta' taxxa, bl-għan li tiżdied it-trasparenza u li jiġu miġġielda l-prattiki ta' ħsara fil-qasam tat-taxxa.

Emenda 33

Proposta għal direttiva

Premessa 15

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(15)

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha u tirrapporta lill-Kunsill dwarha. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni kwalunkwe tagħrif meħtieġ għal din l-evalwazzjoni,

(15)

Il-Kummissjoni għandha tpoġġi fis-seħħ mekkaniżmu ta' monitoraġġ speċifiku biex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa ta' din id-Direttiva u l-interpretazzjoni omoġenja tal-miżuri tagħha mill-Istati Membri. Hija għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwarha. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni kwalunkwe tagħrif meħtieġ għal din l-evalwazzjoni.

Emenda 34

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(1a)

“kontribwent” tfisser entità korporattiva fl-ambitu tal-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva;

Emenda 35

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 4a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4a)

“kost tar-royalties” tfisser kostijiet li jiġu minn pagamenti ta' kwalunkwe tip magħmula bħala kunsiderazzjoni għall-użu ta', jew id-dritt tal-użu ta', kull dritt tal-awtur ta' xogħol letterarju, artistiku jew xjentifiku, inklużi films ċinematografiċi u software, kull privattiva, trademark, disinn jew mudell, pjan, formula jew proċess sigriet, jew għal informazzjoni dwar esperjenza industrijali, kummerċjali jew xjentifika jew kwalunkwe assi ieħor intanġibbli; pagamenti għall-użu ta', jew id-dritt tal-użu ta', apparat industrijali, kummerċjali jew xjentifiku għandhom jitqiesu bħala kostijiet tar-royalties;

Emenda 36

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 4b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4b)

“ġurisdizzjoni ta' segretezza jew b'rata baxxa ta' taxxa” tfisser kwalunkwe ġurisdizzjoni li, mill-31 ta' Diċembru 2016, tissodisfa kwalunkwe wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(a)

nuqqas ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni mal-firmatarji kollha tal-ftehim multilaterali tal-awtoritajiet kompetenti b'konformità mal-istandards tal-OECD ppubblikati fil-21 ta' Lulju 2014 intitolati 'Standard għal Skambju Awtomatiku ta' Informazzjoni tal-Kont Finanzjarju fi Kwistjonijiet Fiskali';

(b)

l-ebda reġistru tas-sidien benefiċjarji aħħarin ta' korporazzjonijiet, trusts u strutturi ġuridiċi ekwivalenti konformi tal-anqas mal-istandard minimu definit fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (1a) ;

(c)

liġijiet jew dispożizzjonijiet jew prattiki amministrattivi li jagħtu trattament tat-taxxa favorevoli lil intrapriżi irrispettivament minn jekk iwettqux attività ekonomika ġenwina jew jekk għandhomx preżenza ekonomika sinifikanti fil-pajjiż inkwistjoni,

Emenda 37

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 7a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7a)

“stabbiliment permanenti” tfisser post tan-negozju fiss li jinsab fi Stat Membru li minnu jitwettaq kompletament jew parzjalment in-negozju ta' kumpanija ta' Stat Membru ieħor; din id-definizzjoni tkopri sitwazzjonijiet li fihom kumpaniji li jwettqu attivitajiet diġitali kompletament dematerjalizzati jiġu kkunsidrati li għandhom stabbiliment permanenti fi Stat Membru jekk dawn iżommu preżenza sinifikanti fl-ekonomija ta' dak l-Istat Membru;

Emenda 38

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 7b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7b)

“rifuġju fiskali” tfisser ġurisdizzjoni kkarratterizzata minn wieħed jew diversi mill-kriterji li ġejjin:

(a)

ebda taxxa jew taxxa nominali biss għal persuni mhux residenti;

(b)

liġijiet jew prattiki amministrattivi li jipprevjenu l-iskambju effettiv ta' informazzjoni dwar it-taxxa ma' ġurisdizzjonijiet oħra;

(c)

liġijiet jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jipprevjenu trasparenza fit-taxxa jew in-nuqqas ta' ħtieġa li titwettaq attività ekonomika sostanzjali.

Emenda 39

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 7c (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7c)

“sustanza ekonomika minima” tfisser kriterji fattwali, inkluż fil-kuntest tal-ekonomija diġitali, li jippermettu li intrapriza tiġi definita abbażi ta' kriterji fattwali bħall-eżistenza ta' riżorsi umani u materjali speċifiċi għall-entità, l-awtonomija tal-ġestjoni tagħha, ir-realtà ġuridika tagħha u, meta jkun xieraq, in-natura tal-assi tagħha;

Emenda 40

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 7d (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7d)

“numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa Ewropew” jew “NIT” tfisser numru kif definit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 li tinkludi pjan ta' azzjoni biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa.;

Emenda 41

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 7e (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7e)

“ipprezzar ta' trasferiment (transfer pricing)” tfisser l-ipprezzar li permezz tiegħu intrapriża tittrasferixxi beni tanġibbli jew assi intanġibbli, jew tipprovdi servizzi lil intrapriżi assoċjati;

Emenda 42

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 7f (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7f)

“sistema ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi” tfisser sistema użata biex tikkalkula d-dħul mill-proprjetà intellettwali (PI) li huwa eliġibbli għal benefiċċji tat-taxxa bl-istabbiliment ta' konnessjoni bejn in-nefqa eliġibbli li saret meta nħolqu l-assi tal-PI (espressa bħala proporzjon tan-nefqa globali marbuta mal-ħolqien tal-assi tal-PI) u d-dħul minn dawk l-assi tal-PI; din is-sistema tillimita l-assi tal-PI għal privattivi jew għal beni intanġibbli b'funzjoni ekwivalenti u tipprovdi l-bażi għad-definizzjoni ta' “nefqa eliġibbli”, “nefqa globali” u “dħul mill-assi tal-PI”;

Emenda 43

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 7 g (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7 g)

“kumpanija tal-isem” tfisser kull tip ta' entità ġuridika mingħajr sustanza ekonomika u li titwaqqaf purament għal skopijiet ta' taxxa;

Emenda 44

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 7h (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7h)

“persuna jew intrapriża assoċjata ma' kontribwent” tfisser sitwazzjoni li fiha l-ewwel persuna jkollha parteċipazzjoni ta' aktar minn 25 % fit-tieni, jew ikun hemm terza persuna li jkollha parteċipazzjoni ta' aktar minn 25 % fit-tnejn li huma.

Emenda 45

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 7i (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7i)

“diskrepanza ibrida” tfisser sitwazzjoni bejn kontribwent fi Stat Membru wieħed u intrapriża assoċjata, kif definita skont is-sistema tat-taxxa korporattiva applikabbli, fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz fejn ir-riżultat sussegwenti jkun attribwibbli għal differenzi fil-karatterizzazzjoni ġuridika ta' strument finanzjarju jew entità finanzjarja:

(a)

tnaqqis tal-istess pagament, spejjeż jew telf iseħħ kemm fl-Istat Membru li fih il-pagament għandu s-sors tiegħu, ikunu saru l-ispejjeż jew ikun iġġarrab it-telf kif ukoll fl-Istat Membru jew il-pajjiż terz l-ieħor (“tnaqqis doppju”); or

(b)

ikun hemm tnaqqis ta' pagament fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz li fih il-pagament għandu s-sors tiegħu mingħajr inklużjoni korrispondenti tal-istess pagament fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz l-ieħor (tnaqqis mingħajr inklużjoni).

Emenda 46

Proposta għal direttiva

Artikolu 4 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Il-kostijiet tas-self eċċessivi għandhom ikunu jistgħu jitnaqqsu fis-sena fiskali li fiha jiġġarrbu sa 30 fil-mija biss tal-qligħ tal-kontribwent qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-amortizzament (EBITDA) jew sal-ammont ta’ EUR 1 000 000 , liema minnhom ikun l-ogħla. L-EBITDA għandu jkun ikkalkolat billi wieħed jerġa’ jżid mad-dħul taxxabbli l-ammonti aġġustati mit-taxxa għall-kostijiet tal-imgħax nett u kostijiet oħrajn ekwivalenti kif ukoll l-ammonti aġġustati mit-taxxa għad-deprezzament u l-amortizzament.

2.   Il-kostijiet tas-self eċċessivi għandhom ikunu jistgħu jitnaqqsu fis-sena fiskali li fiha jiġġarrbu sa 20 % biss tal-qligħ tal-kontribwent qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-amortizzament (EBITDA) jew sal-ammont ta’ EUR 2 000 000 , liema minnhom ikun l-ogħla. L-EBITDA għandu jkun ikkalkolat billi wieħed jerġa’ jżid mad-dħul taxxabbli l-ammonti aġġustati mit-taxxa għall-kostijiet tal-imgħax nett u kostijiet oħrajn ekwivalenti kif ukoll l-ammonti aġġustati mit-taxxa għad-deprezzament u l-amortizzament.

Emenda 47

Proposta għal direttiva

Artikolu 4 – paragrafu 2a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a.     L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafu 2 kostijiet eċċessivi tas-self imġarrba minn self tal-parti terza użat għall-finanzjament ta' proġett ta' infrastruttura pubblika li jdum mill-inqas 10 snin u kkunsidrat li huwa fl-interess pubbliku ġenerali minn Stat Membru jew mill-Unjoni.

Emenda 48

Proposta għal direttiva

Artikolu 4 – paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4.   L-EBITDA ta’ sena fiskali li ma jkunx assorbit għal kollox mill-kostijiet tas-self imġarrba mill-kontribwent f’dik is-sena fiskali jew dawk preċedenti jistgħu jiġu riportati għal snin fiskali futuri.

4.   L-EBITDA ta’ sena fiskali li ma jkunx assorbit għal kollox mill-kostijiet tas-self imġarrba mill-kontribwent f’dik is-sena fiskali jew dawk preċedenti jistgħu jiġu riportati għal snin fiskali futuri għal perjodu ta’ ħames snin .

Emenda 49

Proposta għal direttiva

Artikolu 4 – paragrafu 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

5.   Il-kostijiet tas-self li ma jistgħux jitnaqqsu fis-sena fiskali kurrenti taħt il-paragrafu 2 għandhom ikunu jistgħu jitnaqqsu sa 30 fil-mija tal-EBITDA fi snin fiskali sussegwenti bl-istess mod bħall-kostijiet tas-self għal dawk is-snin.

5.   Il-kostijiet tas-self li ma jistgħux jitnaqqsu fis-sena fiskali kurrenti taħt il-paragrafu 2 għandhom ikunu jistgħu jitnaqqsu sa 20 % tal-EBITDA fil-ħames snin fiskali sussegwenti bl-istess mod bħall-kostijiet tas-self għal dawk is-snin.

Emenda 50

Proposta għal direttiva

Artikolu 4 – paragrafu 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

6.   Il-paragrafi 2 sa 5 mgħandhomx japplikaw għall-impriżi finanzjarji.

6.   Il-paragrafi 2 sa 5 m'għandhomx japplikaw għall-impriżi finanzjarji. Il-Kummissjoni trid twettaq rieżami tal-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu jekk u meta jintlaħaq ftehim fil-livell tal-OECD u meta l-Kummissjoni tiddetermina li l-ftehim tal-OECD jista' jiġi implimentat fil-livell tal-Unjoni.

Emenda 51

Proposta għal direttiva

Artikolu 4a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 4a

 

Stabbiliment permanenti

 

1.     Post tan-negozju fiss li jintuża jew jinżamm minn kontribwent jitqies bħala stabbiliment permanenti jekk l-istess kontribwent jew persuna marbuta mill-qrib mal-kontribwent iwettqu attivitajiet kummerċjali fl-istess post jew f'post ieħor fl-istess Stat u:

 

(a)

dak il-post jew il-post l-ieħor jikkostitwixxi stabbiliment permanenti għall-kontribwent jew il-persuna marbuta mill-qrib skont dan l-Artikolu; jew

 

(b)

l-attività globali li tirriżulta mill-kombinazzjoni tal-attivitajiet imwettqa mill-kontribwent u l-persuna marbuta mill-qrib fl-istess post, jew mill-istess kontribwent jew persuni marbuta mill-qrib fiż-żewġ postijiet, ma tkunx ta' natura preparatorja jew awżiljari, sakemm l-attivitajiet kummerċjali mwettqa mill-kontribwent u l-persuna marbuta mill-qrib fl-istess post, jew mill-istess kontribwent jew persuni marbuta mill-qrib fiż-żewġ postijiet, ma jikkostitwixxux funzjonijiet komplementari li jagħmlu parti minn operazzjoni kummerċjali koerenti.

 

2.     Meta persuna taġixxi fi Stat f'isem kontribwent u, b'dan il-mod, normalment tikkonkludi kuntratti, jew normalment tiżvolġi r-rwol ewlieni li jwassal għall-konklużjoni ta' kuntratti li huma sistematikament konklużi mingħajr modifika sostanzjali mill-kontribwent, u dawn il-kuntratti jkunu:

 

(a)

f'isem il-kontribwent;

 

(b)

intiżi għall-bejgħ ta' proprjetà li tappartjeni lil dan il-kontribwent jew li l-kontribwent għandu d-dritt juża, jew intiżi għall-għoti ta' dritt ta' użu ta' tali proprjetà; jew

 

(c)

għall-forniment ta' servizzi minn dak il-kontribwent, dak il-kontribwent għandu jitqies li jkollu stabbiliment permanenti f'dak l-Istat għall-attivitajiet kollha li dik il-persuna twettaq għall-kontribwent, sakemm l-attivitajiet ta' tali persuna jkunu ta' natura awżiljari jew preparatorja b'tali mod li, jekk jitwettqu f'post tan-negozju fiss, ma jagħmlux lil dan il-post ta' negozju fiss stabbiliment permanenti skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu.

 

3.     L-Istati Membri għandhom jallinjaw il-leġiżlazzjoni applikabbli tagħhom u kwalunke trattat bilaterali dwar it-taxxa doppja ma' danl-Artikolu.

 

4.     Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati li jikkonċernaw il-kunċetti ta' natura preparatorja jew awżiljari.

Emenda 52

Proposta għal direttiva

Artikolu 4b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 4b

 

Profitti attribwibbli għal stabbiliment permanenti

 

1.     Il-profitti fi Stat Membru li jkunu attribwibbli għall-istabbiliment permanenti msemmi fl-Artikolu 4a huma wkoll il-profitti li huwa mistenni li jagħmel, b'mod partikolari fin-negozjati tiegħu ma' partijiet oħra tal-intrapriża, li kieku kienu intrapriżi separati u indipendenti impenjati fl-istess attività u b'kundizzjonijiet simili, b'kont meħud tal-assi u r-riskji tal-istabbilimenti permanenti involuti.

 

2.     Meta Stat Membru jaġġusta l-profitt attribwibbli għall-istabbiliment permanenti msemmi fil-paragrafu 1 u jintaxxah kif xieraq, il-profitt u t-taxxa fi Stati Membri oħra għandhom jiġu aġġustati kif xieraq, sabiex tiġi eliminata t-tassazzjoni doppja.

 

3.     Bħala parti mill-Azzjoni 7 tal-OECD dwar il-BEPS, l-OECD attwalment qed teżamina mill-ġdid ir-regoli definiti fl-Artikolu 7 tal-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq id-Dħul u l-Kapital li jittrattaw il-profitti attribwibbli għal stabbilimenti permanenti u, ladarba dawk ir-regoli jiġu aġġornati, l-Istati Membri għandhom jallinjaw il-leġiżlazzjoni applikabbli tagħhom skont dan.

Emenda 53

Proposta għal direttiva

Artikolu 4c (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 4c

 

Ġurisdizzjonijiet ta' segretezza jew b'rata baxxa ta' taxxa

 

1.     Stat Membru jista' jimponi taxxa minn ras il-għajn fuq pagamenti minn entità f'dak l-Istat Membru lil entità f'ġurisdizzjoni ta' segretezza jew b'rata baxxa ta' taxxa.

 

2.     Il-pagamenti li mhumiex magħmula direttament lil entità f'ġurisdizzjoni ta' segretezza jew b'rata baxxa ta' taxxa, iżda li jista' jkun raġonevolment preżunt li jiġu magħmula lil entità f'ġurisdizzjoni ta' segretezza jew b'rata baxxa ta' taxxa b'mod indirett, pereżempju permezz ta' sempliċi intermedjarji f'ġurisdizzjonijiet oħra, għandhom ikunu koperti wkoll mill-paragrafu 1.

 

3.     Fi żmien debitu, l-Istati Membri għandhom jaġġornaw kwalunkwe Ftehim dwar it-Taxxa Doppja li attwalment jipprekludi tali livell ta' taxxa minn ras il-għajn bl-għan li jitneħħa kull ostaklu ġuridiku għal din il-miżura ta' difiża kollettiva.

Emenda 54

Proposta għal direttiva

Artikolu 5 – paragrafu 1 – parti introduttorja

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.   Kontribwent għandu jkun soġġett għat-taxxa f’ammont ugwali għall-valur tas-suq tal-assi trasferiti, fil-ħin tal-ħruġ, nieqes il-valur tagħhom għall-finijiet tat-taxxa, fi kwalunkwe waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi li ġejjin:

1.   Kontribwent għandu jkun soġġett għat-taxxa f’ammont ugwali għall-valur tas-suq tal-assi trasferiti, fil-ħin tal-ħruġ tal-assi , nieqes il-valur tagħhom għall-finijiet tat-taxxa, fi kwalunkwe waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi li ġejjin:

Emenda 55

Proposta għal direttiva

Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a)

kontribwent jittrasferixxi assi mill-uffiċċju prinċipali tiegħu għall-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz;

(a)

kontribwent jittrasferixxi assi mill-uffiċċju prinċipali tiegħu għall-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz sakemm l-Istat Membru tal-uffiċċju prinċipali m'għadx għandu d-dritt li jintaxxa l-assi trasferiti minħabba t-trasferiment ;

Emenda 56

Proposta għal direttiva

Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b)

kontribwent jittrasferixxi assi mill-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru għall-uffiċċju prinċipali tiegħu jew stabbiliment permanenti ieħor fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz;

(b)

kontribwent jittrasferixxi assi mill-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru għall-uffiċċju prinċipali tiegħu jew stabbiliment permanenti ieħor fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz sakemm l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti m'għadx għandu d-dritt li jintaxxa l-assi trasferiti minħabba t-trasferiment ;

Emenda 57

Proposta għal direttiva

Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt d

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(d)

kontribwent jistabbilixxi l-istabbiliment permanenti tiegħu minn Stat Membru.

(d)

kontribwent jittrasferixxi l-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz sakemm l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti m'għadx għandu d-dritt li jintaxxa l-assi trasferiti minħabba t-trasferiment .

Emenda 63

Proposta għal direttiva

Artikolu 5 – paragrafu 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

7.   Dan l-artikolu ma għandux japplika għal trasferimenti ta’ natura temporanja fejn l-assi huwa maħsub li jaqa’ lura f’idejn l-Istat Membru tat-trasferent.

7.   Dan l-artikolu la għandu japplika għal trasferimenti ta’ natura temporanja fejn l-assi huwa maħsub li jaqa’ lura f’idejn l-Istat Membru tat-trasferent , u lanqas għal trasferimenti ta' assi tanġibbli trasferiti sabiex jiġi ġġenerat dħul minn negozju attiv . Sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni, il-kontribwent ikollu juri lill-awtoritajiet tat-taxxa tiegħu li d-dħul barrani huwa r-riżultat ta' negozju attiv, per eżempju permezz ta' ċertifikat mill-awtoritajiet tat-taxxa barranin.

Emenda 64

Proposta għal direttiva

Artikolu 5a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 5a

 

Prezzar ta' trasferiment

 

1.     B'konformità mal-linji gwida tal-OECD ippubblikat fit-18 ta' Awwissu 2010 bit-titolu “Transfer Pricing Guidelines for Multinational Enterprises and Tax Administrations”, il-profitti li jkunu saru minn intrapriża iżda li ma jkunux saru b'riżultat tal-kundizzjonijiet li ġejjin, jistgħu jiġu inklużi fil-profitti ta' dik l-intrapriża u jistgħu jiġu ntaxxati skont dan:

 

(a)

intrapriża ta' Stat tipparteċipa, direttament jew indirettament, fit-tmexxija, fil-kontroll jew fil-kapital ta' intrapriża tal-Istat l-ieħor; jew

 

(b)

l-istess persuni jipparteċipaw, direttament jew indirettament, fit-tmexxija, fil-kontroll jew fil-kapital ta' intrapriża ta' Stat wieħed u f'intrapriża tal-Istat l-ieħor; u

 

(c)

fiż-żewġ każijiet, iż-żewġ intrapriżi, fir-relazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tagħhom, huma marbutin b'kundizzjonijiet miftiehma jew imposti li huma differenti minn dawk li jkunu miftiehma bejn intrapriżi indipendenti,

 

2.     Meta Stat jinkludi fil-profitti ta' intrapriża ta' dak l-Istat – u jintaxxa skont dan – profitti li fuqhom intrapriża tal-Istat l-ieħor tkun ġiet intaxxata f'dak l-Istat l-ieħor u l-profitti hekk inklużi huma profitti li jkunu saru mill-intrapriża tal-ewwel Stat, jekk il-kundizzjonijiet miftiehma bejn iż-żewġ intrapriżi kienu dawk li kienu jeżistu bejn intrapriżi indipendenti, l-Istat l-ieħor għandu jagħmel aġġustament xieraq tal-ammont tat-taxxa li ġiet imposta fuq dawk il-profitti. Biex dan l-aġġustament jiġi stabbilit, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din id-Direttiva u, jekk ikun meħtieġ, l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati għandhom jikkonsultaw lil xulxin.

Emenda 102

Proposta għal direttiva

Artikolu 6 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.   L-Istati Membri mgħandhomx jeżentaw kontribwent mit-taxxa fuq id-dħul barrani li l-kontribwent ikun irċieva bħala distribuzzjoni tal-profitt mingħand entità f’pajjiż terz jew bħala rikavat mid-disponiment ta’ ishma miżmumin f’entità f’pajjiż terz jew bħala dħul minn stabbiliment permanenti li jinsab f’pajjiż terz fejn l-entità jew l-istabbiliment permanenti huwa soġġett, fil-pajjiż ta’ residenza tal-entità jew fil-pajjiż fejn jinsab l-istabbiliment permanenti, għal taxxa fuq il-profitti b’rata ta’ taxxa korporattiva statutorja ta’ inqas minn 40 fil-mija tar-rata tat-taxxa korporattiva statutorja li kienet tkun imposta taħt is-sistema tat-taxxa korporattiva applikabbli fl-Istat Membru tal-kontribwent . F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-kontribwent għandu jkun soġġett għat-taxxa fuq id-dħul barrani bi tnaqqis tat-taxxa mħallsa fil-pajjiż terz mill-obbligu fiskali tiegħu fl-istat ta’ residenza tiegħu għall-finijiet tat-taxxa. It-tnaqqis mgħandux jaqbeż l-ammont ta’ taxxa, kif ikkomputata qabel it-tnaqqis, li hija attribbwibbli għad-dħul li jista’ jkun intaxxat.

1.   L-Istati Membri m'għandhomx jeżentaw kontribwent mit-taxxa fuq id-dħul barrani , li ma joriġinax minn negozju attiv, li l-kontribwent ikun irċieva bħala distribuzzjoni tal-profitt mingħand entità f’pajjiż terz jew bħala rikavat mid-disponiment ta’ ishma miżmumin f’entità f’pajjiż terz jew bħala dħul minn stabbiliment permanenti li jinsab f’pajjiż terz fejn l-entità jew l-istabbiliment permanenti huwa soġġett, fil-pajjiż ta’ residenza tal-entità jew fil-pajjiż fejn jinsab l-istabbiliment permanenti, għal taxxa fuq il-profitti b’rata ta’ taxxa korporattiva statutorja ta’ inqas minn 15  fil-mija. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-kontribwent għandu jkun soġġett għat-taxxa fuq id-dħul barrani bi tnaqqis tat-taxxa mħallsa fil-pajjiż terz mill-obbligu fiskali tiegħu fl-istat ta’ residenza tiegħu għall-finijiet tat-taxxa. It-tnaqqis mgħandux jaqbeż l-ammont ta’ taxxa, kif ikkomputata qabel it-tnaqqis, li hija attribbwibbli għad-dħul li jista’ jkun intaxxat. Sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni, il-kontribwent ikollu juri bil-provi lill-awtoritajiet tat-taxxa tiegħu li d-dħul barrani joriġina minn negozju attiv, sostnut minn persunal, tagħmir, assi u post adatti li jiġġustifikaw id-dħul attribwit lilu.

Emenda 68

Proposta għal direttiva

Artikolu 7 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.   Arranġamenti mhux ġenwini jew sensiela ta’ arranġamenti li jsiru bl-iskop essenzjali li jinkiseb vantaġġ fiskali li jegħleb l-għan jew l-iskop tad-dispożizzjonijiet tat-taxxa suppost applikabbli għandhom ikunu injorati għall-finijiet tal-ikkalkolar tal-obbligu tat-taxxa korporattiva. Arranġament jista' jinkludi aktar minn pass wieħed jew parti waħda.

1.   Arranġamenti mhux ġenwini, jew sensiela minnhom li, wara li jkunu ddaħħlu fis-seħħ bl-iskop ewlieni jew b'wieħed mill-iskopijiet ewlenin li jinkiseb vantaġġ fiskali li jegħleb l-għan jew l-iskop tad-dispożizzjonijiet tat-taxxa suppost applikabbli , mhumiex ġenwini meta jitqiesu l-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, għandhom ikunu injorati għall-finijiet tal-ikkalkolar tal-obbligu tat-taxxa korporattiva. Arranġament jista' jinkludi aktar minn pass wieħed jew parti waħda.

Emenda 103

Proposta għal direttiva

Artikolu 7 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.   Meta arranġamenti jew sensiela ta’ arranġamenti jiġu injorati skont l-ewwel paragrafu, l-obbligu tat-taxxa għandu jkun ikkalkolat b’referenza għas-sustanza ekonomika skont il-liġi nazzjonali.

3.   Meta arranġamenti jew sensiela ta’ arranġamenti jiġu injorati skont l-ewwel paragrafu, l-obbligu tat-taxxa għandu jkun ikkalkolat b’referenza għas-sustanza ekonomika kif definit fl-Artikolu 2 skont il-liġi nazzjonali.

Emenda 70

Proposta għal direttiva

Artikolu 7 – paragrafu 3a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3a.     L-Istati Membri għandhom jallokaw persunal, għarfien espert u riżorsi baġitarji adegwati lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali tagħhom, b'mod partikolari lill-persunal tal-awditjar tat-taxxa, kif ukoll riżorsi għat-taħriġ tal-persunal tal-amministrazzjoni tat-taxxa li jiffoka fuq kooperazzjoni transkonfinali dwar il-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, u dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa ta' din id-Direttiva.

Emenda

Proposta għal direttiva

Artikolu 7 – paragrafu 3b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3b.     Il-Kummissjoni tistabbilixxi Unità ta’ kontroll u monitoraġġ tal-BEPS fl-istruttura tagħha bħala għodda b’saħħitha kontra l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt li se tivvaluta u tagħti pariri dwar l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva u atti leġiżlattivi oħra li ġejjin li jindirizzaw il-kwestjoni tal-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Dik l-Unità ta’ kontroll u monitoraġġ tal-BEPS tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew.

Emenda 104

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 1 – punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b)

taħt l-iskema ġenerali fil-pajjiż tal-entità, il-profitti jkunu soġġetti għal rata tat-taxxa korporattiva effettiva ta’ inqas minn 40 fil-mija tar-rata tat-taxxa effettiva li kienet tkun imposta taħt is-sistema tat-taxxa korporattiva applikabbli fl-Istat Membru tal-kontribwent ;

(b)

taħt l-iskema ġenerali fil-pajjiż tal-entità, il-profitti jkunu soġġetti għal rata tat-taxxa korporattiva effettiva ta’ inqas minn 15  fil-mija ; dik ir-rata għandha tiġi riveduta kull sena skont l-iżviluppi ekonomiċi fil-kummerċ dinji ;

Emenda 73

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 1 – punt c – parti introduttorja

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c)

aktar minn 50 fil-mija tad-dħul li jakkumula għall-entità jaqa’ f’xi waħda minn dawn il-kategoriji li ġejjin:

(c)

aktar minn 25  fil-mija tad-dħul li jakkumula għall-entità jaqa’ f’xi waħda minn dawn il-kategoriji li ġejjin:

Emenda 74

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 1 – punt c – punt viia (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(viia)

dħul minn oġġetti nnegozjati mal-kontribwent jew l-intrapriżi assoċjati tiegħu, ħlief tali oġġetti standardizzati li jiġu regolarment innegozjati bejn partijiet indipendenti u li għalihom jeżistu prezzijiet osservabbli pubblikament.

Emenda 105

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 2 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw l-ewwel paragrafu meta entità tkun residenti fiskali fi Stat Membru jew f’pajjiż terz li huwa parti għall-Ftehim ŻEE jew fir-rigward ta’ stabbiliment permanenti ta’ entità ta’ pajjiż terz li jinsab fi Stat Membru, sakemm l-istabbiliment tal-entità ma jkunx kompletament artifiċjali jew sakemm l-entità ma tidħolx, waqt l-attività tagħha , f’arranġamenti mhux ġenwini stabbiliti għall-iskop essenzjali li tikseb vantaġġ fiskali .

2.   L-Istati Membri għandhom japplikaw l-ewwel paragrafu meta entità tkun residenti fiskali fi Stat Membru jew f’pajjiż terz li huwa parti għall-Ftehim ŻEE jew fir-rigward ta’ stabbiliment permanenti ta’ entità ta’ pajjiż terz li jinsab fi Stat Membru, sakemm il-kontribwent ma jkunx jista' jistabbilixxi li l-kumpanija barranija kkontrollata twaqqfet għal raġunijiet kummerċjali validi u qed twettaq attività ekonomika sostnuta b'persunal , tagħmir, assi u post adatti li jiġġustifikaw id-dħul attribwit lilha. Fil-każ speċifiku ta' kumpaniji tal-assigurazzjoni, il-fatt li kumpanija prinċipali tassigura mill-ġdid ir-riskji tagħha permezz tas-sussidjarji tagħha stess għandu jitqies bħala mhux ġenwin .

Emenda 77

Proposta għal direttiva

Artikolu 10 – titolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Diskrepanzi ibridi

Diskrepanzi ibridi bejn l-Istati Membri

Emenda 80

Proposta għal direttiva

Artikolu 10 – paragrafu 2a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

L-Istati Membri għandhom jaġġornaw il-Ftehimiet dwar it-Taxxa Doppja tagħhom ma' pajjiżi terzi jew jinnegozjaw kollettivament ftehimiet ekwivalenti sabiex jagħmlu d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu applikabbli f'relazzjonijiet transkonfinali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi.

Emenda 81

Proposta għal direttiva

Artikolu 10a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 10a

 

Diskrepanzi ibridi relatati ma' pajjiżi terzi

 

Meta diskrepanza ibrida bejn Stat Membru u pajjiż terz tirriżulta fi tnaqqis doppju, l-Istat Membru għandu jiċħad it-tnaqqis ta' tali pagament, sakemm il-pajjiż terz ma jkunx għamel hekk diġà.

 

Meta diskrepanza ibrida bejn Stat Membru u pajjiż terz tirriżulta fi tnaqqis mingħajr inklużjoni, l-Istat Membru għandu jiċħad it-tnaqqis jew in-noninklużjoni ta' tali pagament, kif ikun xieraq, sakemm il-pajjiż terz ma jkunx għamel hekk diġà.

Emenda 82

Proposta għal direttiva

Artikolu 10b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 10b

 

Rata tat-taxxa effettiva

 

Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa metodu komuni ta' kalkolu tar-rata tat-taxxa effettiva f'kull Stat Membru, sabiex ikun possibbli li titfassal tabella komparattiva tar-rati tat-taxxa effettivi madwar l-Istati Membri kollha.

Emenda 83

Proposta għal direttiva

Artikolu 10c (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 10c

 

Miżuri kontra l-abbużi tat-trattati dwar it-taxxa

 

1.     L-Istati Membri għandhom jemendaw it-trattati bilaterali tagħhom dwar it-taxxa biex jinkludu d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

 

(a)

klawżola li tiżgura li ż-żewġ partijiet għat-trattati jimpenjaw ruħhom li t-taxxa titħallas fejn iseħħu l-attivitajiet ekonomiċi u fejn jinħoloq valur;

 

(b)

addendum biex jiġi ċċarat li l-għan tat-trattati bilaterali, apparti biex jevitaw it-tassazzjoni doppja, huwa li jiġġieldu l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa;

 

(c)

klawżola għal regola ġenerali kontra l-evitar tat-taxxa bbażata fuq test tal-għan prinċipali, kif definit fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/136 tat-28 ta' Jannar 2016 dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri kontra l-abbuż ta' trattat dwar it-taxxa  (1a) ;

 

(d)

definizzjoni ta' stabbiliment permanenti, kif definit fl-Artikolu 5 tal- Mudell tal-OECD ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u l-Kapital.

 

2.     Il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta sal-31 ta' Diċembru 2017 għal “Approċċ Ewropew għat-trattati dwar it-taxxa” sabiex jiġi stabbilit mudell Ewropew ta' trattat dwar it-taxxa li fl-aħħar mill-aħħar jista' jissostitwixxi eluf ta' trattati bilaterali konklużi minn kull Stat Membru.

 

3.     L-Istati Membri għandhom jiddenunzjaw jew jibqgħu lura milli jiffirmaw trattati bilaterali ma' ġurisdizzjonijiet li ma jirrispettawx l-istandards minimi tal-prinċipji maqbula tal-Unjoni dwar governanza tajba fi kwistjonijiet ta' taxxa.

Emenda 84

Proposta għal direttiva

Artikolu 10d (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 10d

 

Governanza tajba fi kwistjonijiet ta' taxxa

 

Il-Kummissjoni għandha tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet ta' taxxa, bl-għan li tiżdied it-trasparenza u jiġu miġġielda prattiki ta' ħsara fil-qasam tat-taxxa fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali u fi ftehimiet ta' sħubija ekonomika li l-Unjoni Ewropea hija parti fihom.

Emenda 85

Proposta għal direttiva

Artikolu 10e (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 10e

 

Penali

 

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Emenda 86

Proposta għal direttiva

Artikolu 11 – titolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Reviżjoni

Rieżami u monitoraġġ

Emenda 87

Proposta għal direttiva

Artikolu 11 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha u  jirrapporta lill-Kunsill dwarha.

1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha u  tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwarha.

Emenda 88

Proposta għal direttiva

Artikolu 11 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-tagħrif kollu meħtieġ għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni t-tagħrif kollu meħtieġ għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Emenda 89

Proposta għal direttiva

Artikolu 11 – paragrafu 2a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a.     Il-Kummissjoni għandha tqiegħed fis-seħħ mekkaniżmu speċifiku ta' monitoraġġ biex tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa u adegwata ta' din id-Direttiva u l-interpretazzjoni korretta tad-definizzjonijiet kollha previsti u l-azzjonijiet meħtieġa mill-Istati Membri, sabiex ikollna approċċ Ewropew koordinat għall-ġlieda kontra l-BEPS.

Emenda 90

Proposta għal direttiva

Artikolu 11a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 11a

 

Numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa Ewropew

 

Il-Kummissjoni għandha tressaq proposta leġiżlattiva għal numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa Ewropew armonizzat u komuni sal-31 ta' Diċembru 2016, sabiex tagħmel l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni dwar it-taxxa aktar effiċjenti u affidabbli fl-Unjoni.

Emenda 91

Proposta għal direttiva

Artikolu 11b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 11b

 

Skambju awtomatiku mandatorju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' taxxa

 

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza sħiħa u l-applikazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, l-iskambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' taxxa għandu jkun awtomatiku u mandatorju, kif stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE  (1a) .


(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: 5 Oqsma Ewlenin għall-Azzjoni COM(2015)0302 finali tas-17 ta’ Ġunju 2015.

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: 5 Oqsma Ewlenin għall-Azzjoni COM(2015)0302 final tas-17 ta’ Ġunju 2015.

(4)  Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) – Rapport lill-Kunsill, 16553/14, FISC 225, 11.12.2014.

(5)  Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) – Rapport lill-Kunsill, 9620/15, FISC 60, 11.6.2015.

(4)  Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) – Rapport lill-Kunsill, 16553/14, FISC 225, 11.12.2014.

(5)  Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) – Rapport lill-Kunsill, 9620/15, FISC 60, 11.6.2015.

(1a)   Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(1a)   ĠU L 25, 2.2.2016, p. 67.

(1a)   Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).


Il-Ħamis 9 ta’ Ġunju 2016

6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/214


P8_TA(2016)0273

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir l-ebda oġġezzjoni: standards tekniċi regolatorji għall-arranġamenti, sistemi u proċeduri xierqa għall-parteċipanti fis-suq li jiżvelaw it-twettiq ta' sondaġġi tas-suq

Deċiżjoni li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-arranġamenti, sistemi u proċeduri xierqa għall-parteċipanti fis-suq li jiżvelaw it-twettiq ta' sondaġġi tas-suq (C(2016)02859 – 2016/2735(DEA))

(2018/C 086/41)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2016)02859),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2016, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, tal-31 ta' Mejju 2016,

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1) (ir-“Regolament dwar l-abbuż tas-suq”), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(9) tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-fatt li l-ebda oġġezzjoni ma tqajjmet fil-perjodu stipulat fit-tielet u r-raba' inċiż tal-Artikolu 105(6) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li skada fit-8 ta' Ġunju 2016,

A.

billi l-Artikolu 39(2) tar-Regolament dwar l-abbuż tas-suq jipprovdi li numru ta' dispożizzjonijiet tiegħu, inkluż l-Artikolu 11(1) sa (8), għandhom japplikaw mit-3 ta' Lulju 2016 u, b'konformità ma' dan, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament delegat jiddisponi wkoll li huwa għandu japplika mill-istess data;

B.

billi l-Artikolu 11(9) tar-Regolament dwar l-abbuż tas-suq jagħti setgħa lill-ESMA li tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji (STR) sabiex jiġu stabbiliti arranġamenti, proċeduri u rekwiżiti xierqa ta' żamma tar-rekords għall-persuni biex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 4, 5, 6 u 8 ta' dak l-Artikolu; billi l-Artikolu 11(9) tar-Regolament dwar l-abbuż tas-suq jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta dawk l-STR skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (ir-“Regolament ESMA”);

C.

billi l-Kummissjoni adottat ir-Regolament delegat fis-17 ta' Mejju 2016, sabiex tissodisfa s-setgħa li ngħatat, imsemmija hawn fuq; billi r-Regolament delegat fih dettalji importanti dwar il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-parteċipanti tas-suq meta jwettqu sondaġġi tas-suq;

D.

billi r-Regolament delegat jista' jidħol biss fis-seħħ fi tmiem il-perjodu ta' skrutinju tal-Parlament u tal-Kunsill jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament u lanqas mill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw;

E.

billi l-perjodu ta' skrutinju previst fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-ESMA huwa ta' tliet xhur mid-data tan-notifika tal-STR, sakemm l-STR adottati mill-Kummissjoni huma l-istess bħall-abbozz tal-STR adottati mill-ESMA, f'liema każ il-perjodu ta' skrutinju għandu jkun ta' xahar;

F.

billi ġew introdotti xi tibdiliet fl-abbozz tal-STR adottat mill-ESMA, bħalma hija ż-żieda ta' żewġ premessi ġodda kif ukoll numru ta' bidliet fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 6(3) u fid-dispożizzjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni; billi, fid-dawl ta' dawn il-bidliet, ir-Regolament delegat ma jistax jitqies li huwa l-istess bħall-abbozz tal-STR adottat mill-ESMA, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ESMA; billi, għalhekk, japplika l-perjodu ta' tliet xhur għall-oġġezzjoni, kif previst skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ESMA, u b'hekk dan il-perijodu jiskadi fis-17 ta' Awwissu 2016;

G.

billi l-implimentazzjoni mingħajr xkiel u f'waqtha tal-qafas kontra l-abbuż tas-suq sat-3 ta' Lulju 2016, teħtieġ li l-parteċipanti fis-suq u l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu l-arranġamenti neċessarji u jdaħħlu s-sistemi xierqa mill-aktar fis possibbli, u f'kull każ sat-3 ta' Lulju 2016, u dan għandu jsir skont ir-Regolament delegat;

H.

billi r-Regolament delegat għandu għalhekk jidħol fis-seħħ sa mhux aktar tard mit-3 ta' Lulju 2016, qabel l-iskadenza tal-perjodu ta' skrutinju fis-17 ta' Awwissu 2016;

I.

billi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament delegat huma fis-sustanza konsistenti mal-objettivi tal-Parlament kif speċifikat fir-Regolament dwar l-abbuż tas-suq u waqt id-djalogu informali sussegwenti li kien parti mix-xogħol preparatorju għall-adozzjoni tar-Regolament delegat, u b'mod partikolari mal-intenzjoni tal-Parlament li jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b'sett sħiħ ta' rekords tal-informazzjoni kollha żvelata matul sondaġġ tas-suq;

1.

Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.

(2)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE *ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/216


P8_TA(2016)0277

Il-promozzjoni tal-moviment liberu permezz tas-simplifikazzjoni tal-aċċettazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi ***II

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (14956/2/2015 – C8-0129/2016 – 2013/0119(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

(2018/C 086/42)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (14956/2/2015 – C8–0129/2016),

wara li kkunsidra l-opinjoni motivata preżentata mis-Senat Rumen, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li tiddikjara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Lulju 2013 (1),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (2) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2013)0228),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi ġuridika proposta,

wara li kkunsidra l-Artikoli 76 u 39 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8–0156/2016),

1.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.

Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu biex jgħaddu l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 52.

(2)  Testi adottati, 4.2.2014, P7_TA(2014)0054.


6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/217


P8_TA(2016)0278

Trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-kompetenza sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza f'materja tas-servizz pubbliku tal-UE ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-kompetenza sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, it-tilwimiet bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha (N8-0110/2015 – C8-0367/2015 – 2015/0906(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 086/43)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja ppreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill (N8-0110/2015),

wara li kkunsidra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 256(1), l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 257 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, skont liema artikoli l-abbozz ta' att ġie ppreżentat lill-Parlament (C8-0367/2015),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u (15) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 256(1), l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 257 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 106a(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-premessa 9 tiegħu.

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni (COM(2016)0081) (2),

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-18 ta' Mejju 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 u 39 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0167/2016),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Ifakkar fl-importanza tal-bilanċ bejn is-sessi fost l-imħallfin fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU L 341, 24.12.2015, p. 14.

(2)  Għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali.


P8_TC1-COD(2015)0906

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-9 ta' Ġunju 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza f'tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192.)