ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 8

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
11ta' Jannar 2018


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il-Bank Ċentrali Ewropew

2018/C 8/01 BĊE/2017/44

Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta’ Diċembru 2017 dwar politiki għad-distribuzzjoni ta’ dividendi (BĊE/2017/44)

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2018/C 8/02

Rata tal-kambju tal-euro

4

2018/C 8/03

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2018 dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal isem fis-settur tal-inbid [Cairanne (DOP)]

5

2018/C 8/04

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2017 dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Irlanda skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva)

10

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2018/C 8/05

Il-miżuri adottati mill-Irlanda skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u msemmija fil-Premessa 1 tad-Deċiżjoni C(2017) 2898 tat-8 ta’ Mejju 2017

12

2018/C 8/06

Festi pubbliċi fl-2018

14


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Bank Ċentrali Ewropew

11.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 8/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-28 ta’ Diċembru 2017

dwar politiki għad-distribuzzjoni ta’ dividendi

(BĊE/2017/44)

(2018/C 8/01)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(6) u l-Artikolu 132 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 34 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (2),

Billi:

Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkomplu jħejju għal applikazzjoni f’waqtha u sħiħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) f’ambjent makroekonomiku u finanzjarju ta’ sfida li jeżerċita pressjoni fuq il-profittabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u, bħala riżultat, fuq il-kapaċità tagħhom li jibnu l-bażijiet kapitali tagħhom. Barra minn hekk, waqt li huwa meħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiffinanzjaw l-ekonomija, politika ta’ distribuzzjoni konservattiva hija parti minn sistema ta’ ġestjoni adegwata tar-riskju u servizzi bankarji sodi. Għandu jiġi applikat l-istess metodu li ġie stabbilit fir-Rakkomandazzjoni BĊE/2016/44 tal-Bank Ċentrali Ewropew (5).

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

I.

1.

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jistabbilixxu politiki ta’ dividendi billi jużaw suppożizzjonijiet konservattivi u prudenti sabiex, wara kull distribuzzjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti kapitali applikabbli u l-eżiti tal-proċess superviżorju ta’ rieżami u evalwazzjoni (SREP).

(a)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa li jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli għall-kapital minimu (ir-“rekwiżiti tal-Pilastru 1”) f’kull ħin. Dan jinkludi proporzjon ta’ 4,5 % tal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, proporzjon ta’ 6 % għall-kapital tal-Grad 1 u proporzjon tal-kapital totali ta’ 8 % kif stipulat fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(b)

Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa li jissodisfaw f’kull ħin ir-rekwiżiti kapitali li huma imposti bħala riżultat tad-deċiżjoni applikabbli dwar l-iSREP b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tal-Pilastru 1 (“Rekwiżiti tal-Pilastru 2”).

(c)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa wkoll li jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ bafer ikkombinat kif iddefint fl-Artikolu 128(6) tad-Direttiva 2013/36/UE.

(d)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa wkoll li jissodisfaw il-proporzjon tal-kapital tal-Ekwità Komuni ta’ Grad 1 li jkun “totalment mgħobbi” (6), il-proporzjon tal-kapital ta’ Grad 1 tagħhom u l-proporzjon kapitali totali tagħhom sad-data applikabbli għall-introduzzjoni sħiħa f’fażijiet. Dan jirreferi għall-applikazzjoni sħiħa tal-proporzjonijiet imsemmija hawn fuq wara l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u r-rekwiżit ta’ bafer kombinatit ta’ bafer ikkombinat kif iddefinit fl-Artikolu 128(6) tad-Direttiva 2013/36/UE. Id-dispożizzjonijiet transitorji huma stipulati fit-Titolu XI tad-Direttiva 2013/36/UE u fil-Parti Għaxra tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu ssodisfati kemm fuq livell ikkonsolidat kif ukoll fuq bażi individwali ħlief jekk l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti prudenzjali tkun ġiet irrinunzjata fuq bażi individwali, kif stipulat fl-Artikoli 7 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.

Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jħallsu dividendi (7) fl-2018 għas-sena finanzjarja 2017, il-BĊE jirrakkomanda li:

(a)

Kategorija 1: Istituzzjonijiet ta’ kreditu li (i) jissodisfaw ir-rekwiżiti kapitali applikabbli kif imsemmi fil-paragrafu 1(a), (b) u (c), u li (ii) jkunu diġà laħqu l-proporzjonijiet tagħhom li jkunu mgħobbija totalment kif imsemmi fil-paragrafu 1(d) fil-31 ta’ Diċembru 2017, għandhom jiddistribwixxu l-profitti netti tagħhom bħala dividendi b’mod konservattiv sabiex ikunu jistgħu jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha u l-eżiti tal-iSREP anki fil-każ ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ddeterjorati;

(b)

Kategorija 2: Istituzzjonijiet ta’ kreditu li jissodisfaw ir-rekwiżiti kapitali applikabbli kif imsemmi fil-paragrafu 1 (a), (b) u (c) fil-31 ta’ Diċembru 2017 imma ma laħqux il-proporzjonijiet mgħobbija totalment kif imsemmi fil-paragrafu 1(d) sal-31 ta’ Diċembru 2017 għandhom jiddistribwixxu il-profitti netti tagħhom bħala dividendi b’mod konservattiv sabiex ikunu jistgħu jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha u l-eżiti tal-iSREP, anki fil-każ ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ddeterjorati. Barra minn hekk, fil-prinċipju għandhom iħallsu biss dividend sal-punt li, bħala minimu, tiġi żgurata direzzjoni lineari (8) lejn ir-rekwiżiti kapitali totalment mgħobbija meħtieġa kif imsemmi fil-paragrafu 1(d) u sakemm jiġu żgurati l-eżiti tal-iSREP;

(c)

Kategorija 3: Istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jkunux konformi mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (c), fil-prinċipju m’għandhom iqassmu ebda dividend.

L-Istituzzjonijiet ta’ kreditu li mhumiex kapaċi jikkonformaw ma’ din ir-Rakkomandazzjoni għaliex iqisu li huma legalment meħtieġa li jħallsu dividendi għandhom jikkuntattjaw lit-tim superviżorju konġunt minnufih.

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-kategoriji 1, 2, u 3 kif imsemmi fil-paragrafu 2(a), (b) u (c) ukoll huma mistennija li jissodisfaw il-gwida tal-Pilastru 2. Jekk kollox jibqa’ l-istess, id-domanda kapitali (9) hija mistennija li tibqa’ ġeneralment stabbli. Jekk istituzzjoni ta’ kreditu topera jew tistenna li ser topera taħt il-gwida tal-Pilastru 2, hija għandha tikkuntattja minnufih lit-tim superviżorju konġunt tagħha minnufih. Il-BĊE għandu jirrevedi r-raġunijiet għaliex il-livell ta’ kapital tal-istituzzjoni ta’ kreditu waqa’, jew huwa mistenni li jaqa’, u għandu jikkunsidra li jieħu miżuri speċifiċi għall-istituzzjoni li jkunu xierqa u proporzjonati.

II.

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lil entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fil-punti (16) u (22) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).

III.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata wkoll lill-awtorità nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet nominati fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 2(7) u (23) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17). L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet nominati huma mistennija li japplikaw din ir-Rakkomandazzjoni għal dawk l-entitajiet u gruppi, kif jidhrilhom li huwa xieraq (10).

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-28 ta’ Diċembru 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.

(3)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(4)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(5)  Rakkomandazzjoni BĊE/2016/44 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2016 dwar politiki għad-distribuzzjoni ta’ dividendi (ĠU C 481, 23.12.2016, p. 1).

(6)  Il-bafers kollha huma f’livelli mgħobbija totalment.

(7)  L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jista’ jkollhom diversi forom legali, eż. kumpaniji elenkati u kumpanniji mhux b’ishma konġunti bħal kumpaniji reċiproki, kooperattivi jew istituzzjonijiet ta’ tfaddil. It-terminu “dividend” kif użat f’din ir-rakkomandazzjoni jirreferi għal kwalunkwe tip ta’ ħlas fi flus kontanti li jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-assemblea ġenerali.

(8)  Fil-prattika, dan ifisser li fuq perijodu ta’ erba’ snin li jibda fil-31 ta’ Diċembru 2014, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-prinċipju għandhom iżommu ta’ mill-inqas 25 % fis-sena tad-distakk lejn il-proporzjon ta’ kapital tagħhom mgħobbi totalment tal-Ekwità Komuni ta’ Grad 1, il-proporzjon tal-kapital tagħhom ta’ Grad 1 u l-proporzjon tal-kapital totali tagħhom, kif imsemmi fil-paragrafu 1(d).

(9)  Domanda kapitali tfisser rekwiżiti tal-pilastru 1 flimkien ma’ dawk tal-pilastru 2, b’żieda tal-bafer tal-konservazzjoni tal-kapital u l-gwida tal-pilastru 2. Irrispettivament mill-introduzzjoni f’fażijiet tal-bafer ta’ konservazzjoni tal-kapital, l-istituzzjoni ta’ kreditu għandhom jistennew ukoll li jkollhom gwida pożittivi tal-pilastru 2 fil-futur.

(10)  Jekk ir-Rakkomandazzjoni tiġi applikata lil entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni, li jqisu li ma jistgħux jikkonformaw għaliex jifhmu li huma legalment meħtieġa li jħallsu dividendi, huma għandhom jikkuntattjaw minnufih lill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħhom.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

11.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 8/4


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-10 ta’ Jannar 2018

(2018/C 8/02)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1992

JPY

Yen Ġappuniż

133,62

DKK

Krona Daniża

7,4469

GBP

Lira Sterlina

0,88670

SEK

Krona Żvediża

9,8110

CHF

Frank Żvizzeru

1,1725

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,6448

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,570

HUF

Forint Ungeriż

309,92

PLN

Zloty Pollakk

4,1814

RON

Leu Rumen

4,6395

TRY

Lira Turka

4,5548

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5289

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4931

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,3809

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6654

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5981

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 280,95

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

14,9214

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,7996

HRK

Kuna Kroata

7,4493

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 105,86

MYR

Ringgit Malażjan

4,8004

PHP

Peso Filippin

60,624

RUB

Rouble Russu

68,3985

THB

Baht Tajlandiż

38,506

BRL

Real Brażiljan

3,8952

MXN

Peso Messikan

23,1300

INR

Rupi Indjan

76,2630


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


11.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 8/5


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ Jannar 2018

dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal isem fis-settur tal-inbid

[Cairanne (DOP)]

(2018/C 8/03)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 97(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Franza ressqet applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Cairanne” skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(2)

B’konformità mal-Artikolu 97(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni eżaminat din l-applikazzjoni u sabet li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 93 sa 96, fl-Artikolu 97(1), kif ukoll fl-Artikoli 100, 101 u 102 tar-Regolament imsemmi, huma ssodisfati.

(3)

Sabiex ikunu jistgħu jitressqu d-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, id-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) ta’ dak ir-Regolament u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni li saret fil-proċedura nazzjonali għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Cairanne” jenħtieġ li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Id-dokument uniku stabbilit skont l-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-isem “Cairanne” (DOP) jinsabu fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tagħti d-dritt ta’ oġġezzjoni għall-protezzjoni tal-isem speċifikat fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu għal xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Jannar 2018.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


ANNESS

DOKUMENT UNIKU

“CAIRANNE”

PDO-FR-02175

Data tat-tressiq tal-applikazzjoni: 13.7.2016

1.   Ismijiet li se jiġu rreġistrati

“Cairanne”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP — Denominazzjoni ta’ oriġini protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Inbejjed ħomor

L-inbejjed ħomor, li jsiru prinċipalment mill-għeneb iswed grenache imħallat mas-syrah u mal-mourvèdre, huma ġenerużi b’intensità tal-kulur qawwija. Dawn huma kkaratterizzati minn aromi ta’ frott aħmar u riħa tal-fjuri. Fil-ħalq, il-ħlewwa u l-ġentilezza tat-tannin jippredominaw, u jagħtu togħma finali eleganti u kumplessa.

L-inbejjed għandhom qawwa volumetrika minimima naturali ta’ alkoħol ta’ 12,5 %.

Fl-istadju tal-ippakkjar:

il-kontenut ta’ aċidu maliku huwa ta’ 0,4 gramma għal kull litru jew inqas;

il-kontenut ta’ zokkor fermentabbli ≤3 g/l si TAVN ≤14 %;

il-kontenut ta’ zokkor fermentabbli ≤4 g/l si TAVN >14 %;

l-intensità tal-kulur (DO 420 nm+DO 520 nm + DO 620 nm) ≥5;

l-indiċi ta’ polifenoli totali (DO 280 nm) ≥45;

Il-kriterji l-oħrajn isegwu r-regoli tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa massima totali ta’ alkoħol (f’% tal-volum)

14

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

16,33

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

100

Inbejjed bojod

L-inbejjed bojod isiru primarjament mill-varjetajiet ta’ dwieli clairette, grenache abjad u roussanne. Għandhom riħa florali u togħma ta’ frott u minerali.

L-inbejjed għandhom qawwa volumetrika minimima naturali ta’ alkoħol ta’ 12 %.

Il-kriterji l-oħrajn isegwu r-regoli tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa massima totali ta’ alkoħol (f’% tal-volum)

13,5

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

16,33

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

150

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.    Metodi enoloġiċi essenzjali

Ġestjoni tal-vinja

Prattika tal-kultivazzjoni

—   Id-densità tat-tħawwil

L-ispazju bejn ir-ringieli għandu jkun ta’ 2,4 m jew inqas.

L-erja massima disponibbli għal kull dielja hija ta’ 2,5 metru kwadru. Din l-erja tinkiseb billi jiġu mmultiplikati d-distanzi bejn ir-ringieli u l-ispazju bejn id-dwieli fl-istess ringiela.

L-ispazjar bejn id-dwieli fuq l-istess ringiela huwa ta’ bejn 0,80 metru u 1,25 metru.

—   Regoli taż-żbir

Id-dwieli jinżabru biex ikollhom daqs żgħir (gobelet jew f’cordon de Royat), b’massimu ta’ 6 friegħi għal kull dielja; kull fergħa għandha jkollha massimu ta’ żewġ għajnejn.

Il-mulch tal-plastik huwa pprojbit.

it-trattament (épamprage) kimiku taz-zokk kif ukoll il-kontroll tal-ħaxix ħażin bil-kimika fil-biċċiet raba’ huma pprojbiti.

L-użu tal-erbiċidi għal kontra t-tnibbit bejn ir-ringieli u mad-dawra tal-għalqa, huwa pprojbit.

It-tixrid ta’ ħama industrijali u ta’ demel frisk huwa pprojbit.

Kwalunkwe bidla sostanzjali fil-morfoloġija u fis-sekwenza pedoloġika naturali tal-biċċiet raba’ maħsuba għall-produzzjoni tad-DOP hija pprojbita.

L-irrigazzjoni tista’ tiġi awtorizzata.

Prattiċi enoloġiċi

Metodi enoloġiċi speċifiċi

L-għeneb jinqata’ bl-idejn. Il-produtturi tal-inbid jirrikjedu li ssir issortjar obbligatorju tal-ħsad biex jiġu eliminati dawk l-għenbiet imħassra jew li mhux misjura biżżejjed. L-għenbiet huma kkaratterizzati minn kontenut minimu ta’ zokkor ta’ 207 g għal kull litru ta’ most għall-varjetajiet il-ħomor (ħlief l-għeneb iswed grenache, 216 g/l) u ta’ 196 g kull litru għal most tal-varjetajiet il-bojod.

L-inbejjed ħomor għandhom qawwa volumetrika minimima naturali ta’ alkoħol ta’ 12,5 %.

L-inbejjed bojod għandhom qawwa volumetrika minimima naturali ta’ alkoħol ta’ 12 %.

L-użu ta’ preses kontinwi huwa pprojbit.

Huwa pprojbit kull trattament termiku tal-ħsad fejn it-temperatura taqbeż l-40 °C.

L-użu taċ-ċana huwa pprojbit.

b.    Rendimenti massimi

Inbejjed ħomor

40 ettolitru għal kull ettaru

Abjad

42 ettolitru għal kull ettaru

6.   Żona demarkata

Il-ħsad tal-għeneb, il-produzzjoni, il-maturazzjoni u t-tkabbir tal-inbejjed isiru kollha fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Cairanne tad-Dipartiment ta’ Vaucluse. Iż-żona demarkata hija ta’ 2 042 ettaru fid-daqs.

7.   Id-dwieli ewlenin tal-inbid

 

Grenache N

 

Grenache blanc B

 

Clairette B

 

Mourvèdre N

 

Syrah N

 

Roussanne B

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Fin-Nofsinhar mill-għoljiet bejn il-widien ta’ Aygues (Punent) u l-wied ta’ Ouvèze (Lvant), iż-żona ġeografika tifrex biss fuq il-muniċipalità ta’ Cairanne fid-dipartiment ta’ Vaucluse, fix-Xlokk ta’ Franza.

L-esponiment ġenerali taż-żona tal-produzzjoni huwa tajjeb ħafna, b’altitudni massima ta’ 335 m, li tinżel bilmod lejn pjanura kbira. L-elevazzjoni tal-pajsaġġ tipproteġi parzjalment id-dwieli mill-Mistral, riħ qawwi li jonfoħ mit-Tramuntana/Majjistral għal madwar 165 jum tas-sena. Il-klima hija tat-tip tal-Mediterran, ikkaratterizzata minn temperatura medja annwali ta’ bejn 14 °C u 14,5 °C u b’xita medja annwali ta’ 720 mm, prinċipalment ikkonċentrata fir-rebbiegħa u fil-ħarifa. Dawn il-kundizzjonijiet klimatiċi huma favorevoli għall-varjetajiet stabbiliti.

Id-deċiżjonijiet ittieħdu skont il-karatteristiċi pedoloġiċi u t-topografija. Dan ippermetta li jinżammu biss dawk il-partijiet, biċċiet art, jew partijiet minn biċċiet art li kienu l-aktar favorevoli għat-tisjir tal-għeneb u għall-espressjoni ta’ Cairanne. Dawn is-sitwazzjonijiet jeħtieġu l-aħjar ġestjoni tal-pjanta u tal-potenzjal tagħha ta’ produzzjoni. B’hekk, l-inbejjed tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Cairanne” għandhom ikollhom rendiment inqas għal kull ettaru u l-qawwa volumetrika alkoħolika naturali minima għandha tkun ogħla għal kull litru minn inbejjed tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Côtes du Rhône Villages”. Hemm preżenza ikbar tal-varjetà ta’ dwieli Grenache (minimu ta’ 50 % meta mqabbel mal-minimu ta’ 40 % għad-denominazzjoni ta’ oriġini “Côtes du Rhône Villages”). Il-ħsad manwali u l-issortjar huma wkoll prattiki distinti tad-DOP “Cairanne” sabiex jiġi protett bl-aħjar mod il-potenzjal organolettiku tal-għeneb. B’hekk ikunu jistgħu jinkisbu nbejjed li jkollhom il-karatteristiċi analitiċi minimi mitluba u l-karatteristiċi organolettiċi relatati mal-ġenerożità u mal-ħlewwa deskritti hawn taħt.

Il-muniċipalità ta’ Cairanne tinsab fiż-żona ġeografika tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Côtes du Rhône” rikonoxxuta permezz tad-Digriet tad-19 ta’ Novembru 1937.

L-oriġinalità tal-inbejjed prodotti fil-muniċipalità ta’ Cairanne ilha rikonoxxuta mill-1953 bħala denominazzjoni ġeografika komplementari tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Côtes du Rhône”, u mill-1999 ’l hawn bħala denominazzjoni ġeografika addizzjonali tad-DOP “Côtes du Rhône Villages”. L-inbejjed ta’Cairanne huma l-inbejjed ħomor u bojod, mhux frizzanti u xotti.

L-inbejjed ħomor li jsiru minn maġġoranza ta’ għeneb iswed grenache assoċjat ma’ syrah u mourvèdre, (varjetajiet adattati tajjeb għall-kundizzjonijiet ta’ temp xemxi u ta’ nixfa) huma ġenerużi b’intensità tal-kulur qawwija. Dawn huma kkaratterizzati minn aromi ta’ frott aħmar u riħa tal-fjuri. Fil-ħalq, il-ħlewwa u l-ġentilezza tat-tannin jippredominaw, u jagħtu togħma finali eleganti u kumplessa.

L-inbejjed bojod isiru primarjament mill-varjetajiet ta’ dwieli Clairette, grenache abjad u roussanne. Għandhom riħa florali u togħma ta’ frott u minerali rinforzata mill-ġir li huwa predominanti fil-ħamrija.

Fl-2013, il-vinji ta’ Cairanne kienu jirrappreżentaw aktar minn 1 000 ettaru u l-kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed kienet assigurata għal 80 % fil-fliexken.

It-taħlita ta’ klima Mediterranja kkaratterizzata minn ħafna xemx, u l-orjentament fil-biċċa l-kbira lejn in-Nofsinhar tal-irqajja’ tal-art, jottimizzaw it-tisjir tal-frott kif ukoll il-konċentrazzjoni taz-zokkor u jsaħħaħ il-kumplessità aromatika u r-rotondità tal-inbejjed.

Barra minn hekk, il-klima xotta imsaħħa mill-effetti tal-Mistral, tiffavorixxi ħsad tajjeb u l-akkumulazzjoni tal-polifenoli fl-għeneb. F’din is-sitwazzjoni, l-obbligu tal-issortjar tal-ħsad, fejn jinżamm biss l-aħjar frott, jgħin biex jippromwovi r-rikkezza taz-zokkor fil-most u biex jippreserva l-potenzjal aromatiku tal-għenbiet.

L-assoċjazzjoni ta’ storja komuni, għarfien espert u ambizzjoni komuni f’ambjent uniku li jinsab f’salib it-toroq bejn Aygues u Ouvèze ħolqu l-indentità tal-inbejjed. Ir-rabtiet li jgħaqqdu flimkien dawn il-komponenti jittraċċaw storja epika: dik ta’ raħal li jipproduċi l-inbid u tal-poplu tiegħu, matul is-sekli. Kien hemm punt meta l-kultivaturi tal-inbid ta’ Cairanne osservaw: “Cairanne huwa r-raħal, u Cairanne huwa l-inbid, it-tnejn li huma minn dejjem jiġu mfixkla fil-memorja tal-bniedem.””

9.   Kundizzjonijiet essenzjali oħra

Żona fi prossimità immedjata

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni Nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplimentari:

Derogi li jikkonċernaw il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Iż-żona fil-viċinanza immedjata, definita bid-deroga għall-produzzjoni tal-inbid, għall-ipproċessar u għall-maturazzjoni tal-inbid, hija rrappreżentata mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin:

Id-dipartiment ta’ Drôme: Mirabel-aux-Baronnies, Rochegude, Tulette.

Id-Dipartiment ta’ Vaucluse: Buisson, Camaret-sur-Aigues, Châteauneuf-du-Pape, Courthézon, Jonquières, Gigondas, Lagarde-Paréol, Mornas, Orange, Rasteau, Roaix, Sablet, Sainte-Cécile-les-Vignes, Saint-Roman-de-Malegarde, Séguret, Sérignan-du-Comtat, Travaillan, Uchaux, Vacqueyras, Vaison-la-Romaine, Villedieu, Violès, Visan.

Unità ġeografika usa’

Qafas ġuridiku

Leġiżlazzjoni Nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplimentari

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni

It-tikketta ta’ nbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata tista’ tispeċifika l-unità ġeografika usa’ “Cru des Côtes du Rhône”.

Unitajiet ġeografiċi iżgħar

Qafas ġuridiku

Leġiżlazzjoni Nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplimentari

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni

L-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata jistgħu jispeċifikaw fit-tikketti tagħhom l-unità ġeografika iżgħar, jekk:

ikun post irreġistrat;

ikun fuq id-dikjarazzjoni tal-ħsad.

Referenza tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-25a5999e-1720-472a-bb4b-65e29f4f2adc


11.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 8/10


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Mejju 2017

dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Irlanda skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva)

(2018/C 8/04)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) tagħha,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2010/13/UE,

Billi:

(1)

B’ittra tas-7 ta’ Frar 2017, l-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni dwar ċerti miżuri li għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE, bl-għan li jiġu aġġornati l-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa, approvati mill-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2007 (2). Il-miżuri li għandhom jittieħdu jikkonċernaw l-għażla ta’ lista ta’ żewġ avvenimenti li huma addizzjonali għall-miżuri attwalment fis-seħħ.

(2)

Il-Kummissjoni vverifikat, fi żmien tliet xhur minn meta waslitilha din in-notifika, li l-miżuri li għandhom jittieħdu huma kumpatibbli mal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikulari fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżuri u t-trasparenza tal-proċedura ta’ konsultazzjoni nazzjonali.

(3)

Fl-istħarriġ tal-miżuri li għandhom jittieħdu, il-Kummissjoni qieset id-dejta disponibbli dwar is-suq awdjoviżiv Irlandiż, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt fuq is-suq televiżiv.

(4)

Il-lista taż-żewġ avvenimenti ta’ importanza maġġuri għas-soċjetà minbarra l-miżuri li attwalment huma fis-seħħ ġiet elenkata mill-Irlanda b’mod ċar u trasparenti, wara konsultazzjoni estensiva.

(5)

Abbażi ta’ evidenza dettaljata u ta’ ċifri dwar l-għadd ta’ telespettaturi mwassla mill-awtoritajiet Irlandiżi, il-Kummissjoni vverfikat li l-lista ta’ żewġ avvenimenti minbarra l-miżuri li attwalment huma fis-seħħ li ġiet elenkata skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE ssodisfat tal-anqas tnejn mill-kriterji li ġejjin li jitqiesu bħala indikaturi affidabbli tal-importanza tat-tali avvenimenti fis-soċjetà: (i) għandhom reżonanza ġenerali u speċjali fi ħdan l-Istat Membru, u mhumiex sinifikanti biss għal dawk li normalment isegwu l-isport jew l-attività konċernata; (ii) għandhom importanza kulturali distinta u ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni tal-Istat Membru, b’mod partikulari bħala katalista għall-identità kulturali; (iii) l-involviment tat-tim nazzjonali fl-avveniment ikkonċernat fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jew turnew ta’ importanza internazzjonali; u (iv) il-fatt li dak l-avveniment minn dejjem ixxandar fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni bla ħlas u huwa segwit minn udjenza televiżiva kbira.

(6)

Il-lista notifikata ta’ żewġ avvenimenti minbarra l-miżuri attwalment fis-seħħ fiha żewġ avvenimenti magħżula, li jitqiesu bħala avvenimenti ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà, jiġifieri l-Finali tal-Futbol All-Ireland Senior tan-Nisa u l-Finali tal-All-Ireland Senior Camogie.

(7)

Kif intwera mill-awtoritajiet Irlandiżi, il-Finali tal-Futbol All-Ireland Senior tan-Nisa għandha ċerta reżonanza ġenerali speċjali u importanza kulturali għas-soċjetà Irlandiża, mhux biss fost dawk li ordinarjament isegwu dan l-isport. Dan l-avveniment jiġbed lejh udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment ixxandar fuq it-televiżjoni bla ħlas.

(8)

Il-Finali tal-All-Ireland Senior Camogie, kif intwera mill-awtoritajiet Irlandiżi, għandha reżonanza ġenerali speċjali u importanza kulturali għas-soċjetà Irlandiża, b’sinifikat ‘lil hinn minn dak li jagħtuh dawk li ordinarjament isegwu dan l-isport. Dan l-avveniment jiġbed lejh udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment ixxandar fuq it-televiżjoni bla ħlas.

(9)

Il-miżuri magħżula ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri l-protezzjoni tad-dritt ta’ informazzjoni u ta’ aċċess wiesa’ tal-pubbliku għax-xandir televiżiv ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Din il-konklużjoni tqis il-metodi li skonthom se jixxandru l-avvenimenti inkwistjoni, id-definizzjoni ta’ “xandar li jikkwalifika”, ir-rwol tal-Qorti Superjuri fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim li jqum waqt l-implimentazzjoni tal-miżuri, u l-fatt li l-għażla mhix mistennija li tħalli xi impatt fuq il-kuntratti eżistenti fir-rigward tad-drittijiet tax-xandir. Għaldaqstant, jista’ jiġi konkluż li l-effetti tad-dritt għall-proprjetà, kif previsti fl-Artikolu 17 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, ma jmorrux lil hinn minn dak li hu intrinsikament marbut mal-inklużjoni tal-avveniment fil-lista prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE.

(10)

Għall-istess raġunijiet, il-miżuri li għandhom jittieħdu jidhru li huma proporzjonati sabiex jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju fundamentali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif stipulat fl-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-interess pubbliku superjuri għandu jiżgura aċċess estensiv għall-pubbliku għal xandiriet ta’ avvenimenti ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà. Barra minn hekk, il-miżuri Irlandiżi ma jikkostitwixxu l-ebda diskriminazzjoni jew esklużjoni mis-suq kontra xi xandara, detenturi tad-drittijiet jew operaturi ekonomiċi oħra ta’ Stati Membri oħra.

(11)

Il-miżuri magħżula huma, barra minn hekk, kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Id-definizzjoni tax-xandara li jikkwalifikaw għax-xandir tal-avvenimenti elenkati ssejset fuq kriterji oġġettivi, li jippermettu kompetizzjoni reali u potenzjali għall-akkwist tad-drittijiet biex jixxandru dawn l-avvenimenti. Barra minn hekk, l-għadd ta’ avvenimenti magħżula mhuwiex tant sproporzjonat li jwassal għal tagħwiġ tal-kompetizzjoni fis-swieq downstream tat-televiżjoni mingħajr ħlas u tat-televiżjoni bi ħlas. Għaldaqstant, jista’ jitqies li l-effetti tal-libertà tal-kompetizzjoni ma jmorrux lil hinn minn dak li hu intrinsikament marbut mal-inklużjoni tal-avveniment fil-lista prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE.

(12)

Il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri li se jittieħdu mill-Irlanda, u ppreżentat ir-riżultati tal-verifika tagħha lill-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2010/13/UE. Il-Kumitat adotta opinjoni favorevoli,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

1.   Il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Irlanda, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE, u nnotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(2) ta’ dik id-Direttiva, huma kompatibbli mal-Liġi tal-Unjoni.

2.   Il-miżuri, kif mittieħda mill-Irlanda, għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, it-8 ta’ Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Andrus ANSIP

Viċi President


(1)  ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/478/KE tal-25 ta’ Ġunju 2007 (ĠU L 180, 10.7.2007, p. 17).


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

11.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 8/12


Il-miżuri adottati mill-Irlanda skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u msemmija fil-Premessa 1 tad-Deċiżjoni C(2017) 2898 tat-8 ta’ Mejju 2017

(2018/C 8/05)

S.I. Nru 465 tal-2017

L-ATT DWAR IX-XANDIR TAL-2009 (NOMINAZZJONI TA’ AVVENIMENTI EWLENIN)

L-ORDNI TAL-2017

Jien, DENIS NAUGHTEN, il-Ministru għall-Komunikazzjonijiet, il-Bidla fil-Klima u l-Ambjent, b’eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lili skont is-sottotaqsima (1) tat-taqsima 162 tal-Att dwar ix-Xandir tal-2009 (Nru 18 tal-2009) (kif adattata bl-Ordni tal-2016 dwar il-Komunikazzjonijiet, l-Enerġija u r-Riżorsi Naturali (Bidla tal-Isem tad-Dipartiment u tat-Titlu tal-Ministru) (S.I. Nru. 421 tal-2016)) u wara konsultazzjoni mal-Ministru għat-Trasport, it-Turiżmu u l-Isport kif previst bis-sottotaqsima (5) ta’ dik it-taqsima (kif adattata bl-Ordni tal-2011 dwar it-Turiżmu u l-Isport (Trasferiment tal-Amministrazzjoni Dipartimentali u tal-Funzjonijiet Ministerjali (Nru 2) (S.I. Nru 217 tal-2011)), b’dan nagħmel l-ordni li ġejja li fir-rigward tagħha, skont is-sottotaqsima (6) ta’ dik it-taqsima, tressaq abbozz lil kull Kamra tal-Oireachtas u ngħaddiet riżoluzzjoni li tapprova l-abbozz minn kull waħda mit-tali Kmamar:

1.

Din l-Ordni tista’ tiġi kkwotata bħala l-Ordni tal-2017 tal-Att tax-Xandir 2009 (Nominazzjoni ta’ Avvenimenti Ewlenin).

2.

L-avvenimenti speċifikati fl-Iskeda huma nominati bħala avvenimenti ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà li għalihom id-dritt ta’ xandar li jikkwalifika li jipprovdi trażmissjoni diretta u sħiħa fuq servizzi televiżivi bla ħlas għandu jkun provdut fl-interess pubbliku.

3.

Kull waħda mill-partiti li fihom tilgħab l-Irlanda fis-Six Nations Rugby Football Championship hija nominata bħala avveniment ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà li għalih id-dritt ta’ xandar li jikkwalifika li jipprovdi trażmissjoni fuq bażi deferita u sħiħa fuq servizzi televiżivi bla ħlas għandu jkun provdut fl-interess pubbliku.

4.

L-Ordni tal-2003 tal-Att tal-2009 dwar ix-Xandir (Trażmissjonijiet ta’ Avvenimenti Televiżivi Ewlenin) (Nominazzjoni ta’ Avvenimenti Ewlenin) (S.I. Nru 99 tal-2003) hija revokata.

L-Avviż tal-għemil ta’ dan l-Istrument Statutorju ġie ppubblikat fl-Iris Oifigiúil tas-27 ta’ Ottubru 2017.

SKEDA

Artikolu 2

Il-Logħob Olimpiku tas-Sajf

L-“All-Ireland Senior Inter-County Football and Hurling Finals”

Il-partiti ta’ kwalifika tal-Irlanda f’darhom u barra minn darhom fit-turnej tal-Kampjonat Ewropew tal-Futbol u tal-logħob tat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-FIFA

Il-partiti tal-Irlanda fit-Turnew tal-Finali tal-Kampjonat Ewropew tal-Futbol u fit-Turnew tal-Finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA

Il-partiti tal-ftuħ, is-semifinali u l-finali tal-Finali tal-Kampjonat Ewropew tal-Futbol u tat-Turnew tal-Finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA

Il-partiti tal-Irlanda fit-Turnew tal-Finali tat-Tazza tad-Dinja tar-Rugby

L-Irish Grand National u l-Irish Derby

In-Nations Cup fid-Dublin Horse Show

Il-Finali tal-All-Ireland Ladies Gaelic Football

Il-Finali tal-All-Ireland Ladies Camogie

25 ta’ Ottubru 2017.

DENIS NAUGHTEN

Il-Ministru tal-Komunikazzjonijiet, l-Azzjoni dwar il-Klima u l-Ambjent


11.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 8/14


Festi pubbliċi fl-2018

(2018/C 8/06)

Belgique/België

1.1, 1.4, 2.4, 1.5, 8.5, 10.5, 11.5, 20.5, 21.5, 11.7, 21.7, 15.8, 27.9, 1.11, 2.11, 11.11, 15.11, 25.12, 26.12, 27.12, 28.12, 29.12, 30.12, 31.12

България

1.1, 3.3, 4.3, 5.3, 6.4, 7.4, 8.4, 9.4, 1.5, 6.5, 7.5, 24.5, 6.9, 22.9, 23.9, 24.9, 1.11, 24.12, 25.12, 26.12

Česká republika

1.1, 30.3, 2.4, 1.5, 8.5, 5.7, 6.7, 28.9, 28.10, 17.11, 24.12, 25.12, 26.12

Danmark

1.1, 29.3, 30.3, 1.4, 2.4, 27.4, 10.5, 20.5, 21.5, 5.6, 24.12, 25.12, 26.12, 31.12

Deutschland

1.1, 30.3, 2.4, 1.5, 10.5, 21.5, 3.10, 25.12, 26.12

Eesti

1.1, 24.2, 30.3, 1.4, 1.5, 20.5, 23.6, 24.6, 20.8, 24.12, 25.12, 26.12

Éire/Ireland

1.1, 19.3, 30.3, 2.4, 7.5, 4.6, 6.8, 29.10, 25.12, 26.12

Ελλάδα

1.1, 6.1, 19.2, 25.3, 6.4, 9.4, 1.5, 28.5, 15.8, 28.10, 25.12, 26.12

España

1.1, 2.1, 29.3, 30.3, 2.4, 1.5, 9.5, 10.5, 21.5, 1.11, 24.12, 25.12, 26.12, 27.12, 28.12, 31.12

France

1.1, 2.4, 1.5, 8.5, 10.5, 21.5, 14.7, 15.8, 1.11, 11.11, 25.12

Hrvatska

1.1, 6.1, 1.4, 2.4, 1.5, 31.5, 22.6, 25.6, 5.8, 15.8, 8.10, 1.11, 25.12, 26.12

Italia

1.1, 6.1, 2.4, 25.4, 1.5, 2.6, 15.8, 1.11, 8.12, 25.12, 26.12

Κύπρος/Kıbrıs

1.1, 6.1, 19.2, 25.3, 1.4, 6.4, 9.4, 1.5, 28.5, 15.8, 1.10, 28.10, 24.12, 25.12, 26.12

Latvija

1.1, 30.3, 1.4, 2.4, 30.4, 1.5, 4.5, 13.5, 23.6, 24.6, 9.7, 18.11, 19.11, 24.12, 25.12, 26.12, 31.12

Lietuva

1.1, 16.2, 11.3, 1.4, 1.5, 6.5, 3.6, 24.6, 6.7, 15.8, 1.11, 24.12, 25.12

Luxembourg

1.1, 2.4, 1.5, 10.5, 21.5, 23.6, 15.8, 1.11, 25.12, 26.12

Magyarország

1.1, 15.3, 30.3, 2.4, 1.5, 21.5, 20.8, 23.10, 1.11, 25.12, 26.12

Malta

1.1, 10.2, 19.3, 30.3, 31.3, 1.5, 7.6, 29.6, 15.8, 8.9, 21.9, 8.12, 13.12, 25.12

Nederland

1.1, 1.4, 2.4, 27.4, 10.5, 20.5, 21.5, 25.12, 26.12

Österreich

1.1, 6.1, 1.4, 2.4, 1.5, 10.5, 20.5, 21.5, 31.5, 15.8, 26.10, 1.11, 8.12, 25.12, 26.12

Polska

1.1, 6.1, 1.4, 2.4, 1.5, 3.5, 31.5, 15.8, 1.11, 11.11, 25.12, 26.12

Portugal

1.1, 30.3, 1.4, 25.4, 1.5, 31.5, 10.6, 15.8, 5.10, 1.11, 1.12, 8.12, 25.12

România

1.1, 2.1, 24.1, 8.4, 9.4, 1.5, 27.5, 28.5, 1.6, 15.8, 30.11, 1.12, 25.12, 26.12

Slovenija

1.1, 2.1, 8.2, 1.4, 2.4, 27.4, 1.5, 2.5, 25.6, 15.8, 31.10, 1.11, 25.12, 26.12

Slovensko

1.1, 6.1, 30.3, 2.4, 1.5, 8.5, 5.7, 29.8, 1.9, 15.9, 1.11, 17.11, 24.12, 25.12, 26.12

Suomi/Finland

1.1, 30.3, 2.4, 1.5, 10.5, 22.6, 6.12, 24.12, 25.12, 26.12

Sverige

1.1, 6.1, 30.3, 1.4, 2.4, 1.5, 10.5, 20.5, 6.6, 23.6, 3.11, 25.12, 26.12

United Kingdom

Wales and England: 1.1, 30.3, 2.4, 7.5, 28.5, 27.8, 25.12, 26.12

Northern Ireland: 1.1, 17.3, 19.3, 30.3, 2.4, 7.5, 28.5, 12.7, 27.8, 25.12, 26.12

Scotland: 1.1, 2.1, 30.3, 7.5, 28.5, 6.8, 30.11, 25.12, 26.12