ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 393

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 60
21 ta' Novembru 2017


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 393/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8634 — ATP/OTPP/Copenhagen Airports) ( 1 )

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill

2017/C 393/02

Avviż għall-attenzjoni tal-persuna soġġetta għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2163, u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2017/2153 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

2

2017/C 393/03

Avviż għall-attenzjoni tas-suġġetti tad-data li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2153 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

3

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 393/04

Rata tal-kambju tal-euro

4

2017/C 393/05

Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-Dikjarazzjoni Kwanitattiva tal-Ingredjenti (QUID)

5


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 393/06

Notifikata minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.8685 — Foncière des Régions/Marriott International/Le Méridien Hotel f’Nizza) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

13

2017/C 393/07

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.8612 — CZ/DT/Carl Zeiss Smart Optics) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

15

2017/C 393/08

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.8478 — Zukunft Ventures/Gustav Magenwirth/Brake Force One/Unicorn Energy/JV) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

17


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

21.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8634 — ATP/OTPP/Copenhagen Airports)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 393/01)

Fit 7.11.2017, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32017M8634. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill

21.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/2


Avviż għall-attenzjoni tal-persuna soġġetta għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2163, u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2017/2153 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

(2017/C 393/02)

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-persuna li tidher fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK (1), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2163 (2), u fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (3), kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2153 (4) dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li l-persuna li tidher fl-Annessi msemmija hawn fuq għandha tiġi inkluża fil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK u fir-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Ir-raġunijiet għad-deżinjazzjoni ta’ dik il-persuna jidhru fl-entrata rilevanti f’dawk l-Annessi.

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuna kkonċernata għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i rilevanti kif indikat fis-siti web fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 269/2014, sabiex tikseb awtorizzazzjoni biex tuża l-fondi ffriżati għal ħtiġijiet bażiċi jew ħlasijiet speċifiċi (irreferi għall-Artikolu 4 tar-Regolament).

Il-persuna kkonċernata tista’ tippreżenta talba lill-Kunsill, flimkien mad-dokumentazzjoni ta’ sostenn meħtieġa, biex id-deċiżjoni li dik il-persuna tiġi inkluża fil-lista msemmija hawn fuq tiġi kkunsidrata mill-ġdid, fl-indirizz li ġej:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Segretarjat Ġenerali

DG C 1C

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

posta elettronika: sanctions@consilium.europa.eu

L-attenzjoni tal-persuna kkonċernata qed tinġibed ukoll għall-possibbiltà li tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275, u r-raba’ u s-sitt paragrafi tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(2)  ĠU L 304, 21.11.2017, p. 50.

(3)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.

(4)  ĠU L 304, 21.11.2017, p. 3.


21.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/3


Avviż għall-attenzjoni tas-suġġetti tad-data li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2153 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

(2017/C 393/03)

Qed tinġibed l-attenzjoni tas-suġġetti tad-data għall-informazzjoni li ġejja f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1):

Il-bażi legali għal din l-operazzjoni ta’ pproċessar hija r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (2), kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2153 (3).

Il-kontrollur ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar hu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rrappreżentat mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ C (Affarijiet Barranin, Tkabbir, Protezzjoni Ċivili) tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u d-dipartiment fdat bl-operazzjoni ta’ pproċessar hu l-Unità 1C tad-DĠ C li wieħed jista’ jikkuntattja f’dan l-indirizz:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Segretarjat Ġenerali

DG C 1C

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika: sanctions@consilium.europa.eu

L-għan tal-operazzjoni ta’ pproċessar huwa l-istabbiliment u l-aġġornament tal-lista ta’ persuni soġġetti għal miżuri restrittivi f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 269/2014 kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2153.

Is-suġġetti tad-data huma l-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji għall-elenkar kif stipulati f’dak ir-Regolament.

Id-data personali miġbura tinkludi d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni korretta tal-persuna kkonċernata, id-Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet u kwalunkwe data oħra relatata ma’ dan.

Id-data personali miġbura tista’ titqassam skont kif ikun meħtieġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni.

Mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(1)(a) u (d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, it-talbiet għal aċċess, kif ukoll it-talbiet għal rettifika jew oġġezzjoni jiġu mwieġba f’konformità mat-taqsima 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/644/KE (4).

Id-data personali ser tinżamm għal 5 snin minn meta s-suġġett tad-data jkun tneħħa mil-lista ta’ persuni soġġetti għall-iffriżar tal-assi jew il-validità tal-miżura tkun skadiet, jew sakemm ikunu fis-seħħ il-proċedimenti tal-qorti f’każ li dawn ikunu nbdew.

Is-suġġetti tad-data jistgħu jirrikorru għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.


(1)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.

(3)  ĠU L 304, 21.11.2017, p. 3.

(4)  ĠU L 296, 21.9.2004, p. 16.


Il-Kummissjoni Ewropea

21.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/4


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-20 ta’ Novembru 2017

(2017/C 393/04)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1781

JPY

Yen Ġappuniż

132,10

DKK

Krona Daniża

7,4414

GBP

Lira Sterlina

0,88940

SEK

Krona Żvediża

9,9585

CHF

Frank Żvizzeru

1,1676

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,7298

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,568

HUF

Forint Ungeriż

312,44

PLN

Zloty Pollakk

4,2311

RON

Leu Rumen

4,6514

TRY

Lira Turka

4,6211

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5592

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5066

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,2036

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7243

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5972

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 291,10

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

16,5582

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,8155

HRK

Kuna Kroata

7,5648

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 932,62

MYR

Ringgit Malażjan

4,8869

PHP

Peso Filippin

59,761

RUB

Rouble Russu

70,1470

THB

Baht Tajlandiż

38,606

BRL

Real Brażiljan

3,8388

MXN

Peso Messikan

22,3489

INR

Rupi Indjan

76,6975


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


21.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/5


Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-Dikjarazzjoni Kwanitattiva tal-Ingredjenti (QUID)

(2017/C 393/05)

WERREJ

1.

Introduzzjoni 5

2.

Obbligu ta' indikazzjoni tal-QUID 5

3.

Derogi mill-obbligu li tiġi indikata l-QUID 7

4.

Forom ta' espressjoni għall-QUID 10

5.

Pożizzjoni tal-QUID fuq it-tikkettar 12

L-iskop ta' dan l-Avviż tal-Kummissjoni huwa li jipprovdi linji gwida għan-negozji u għall-awtoritajiet nazzjonali dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-Dikjarazzjoni Kwantitattiva tal-Ingredjenti (QUID) fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (minn hawn 'il quddiem, ir-“Regolament”). L-Avviż jissostitwixxi u jikkumplimenta l-linji gwida dwar il-QUID adottati skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE (2).

L-Avviż jirrifletti d-diskussjonijiet li kellu d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE) mal-esperti mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Grupp ta' Ħidma dwar ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi.

Dan l-Avviż huwa mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni li tista' tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

1.   Introduzzjoni

1.

Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 (ir-Regolament) jirrikjedi l-indikazzjoni tal-kwantità ta' ċerti ingredjenti jew kategoriji ta' ingredjenti użati fil-manifattura jew it-tħejjija tal-ikel kollu ppakkjat bil-lest (l-Artikolu 9(1), il-punt d) u l-Artikolu 22 tar-Regolament).

2.

Ir-rekwiżit li tiġi indikata l-QUID ma japplikax għall-ikel li jikkonsisti minn ingredjent wieħed għaliex il-kwantità tal-ingredjenti uniċi se tikkorrispondi għal 100 % fil-każijiet kollha.

3.

Hemm każijiet speċifiċi oħrajn ta' ikel ippakkjat bil-lest fejn il-QUID mhix meħtieġa (l-Anness VIII tar-Regolament). Barra minn hekk, il-QUID mhix meħtieġa għal “ikel mhux ippakkjat bil-lest” (ikel li jinbiegħ mhux ippakkjat bil-lest, jew li jiġi ppakkjat fil-post tal-bejgħ fuq talba tal-konsumatur jew jiġi ppakkjat minn qabel għall-bejgħ dirett) sakemm l-Istati Membri ma jkunux adottaw regoli nazzjonali li jirrikjedu dan għal tali ikel (l-Artikolu 44 tar-Regolament).

4.

Finalment, peress li l-QUID hija l-indikazzjoni kwantitattiva tal-ingredjenti, ma tapplikax għal kostitwenti li huma preżenti b'mod naturali fl-ikel u li ma ġewx miżjuda bħala ingredjenti, eż. kafeina (fil-kafè) u vitamini u minerali (fil-meraq tal-frott).

2.   Obbligu ta' indikazzjoni tal-QUID

5.

L-Artikolu 22(1) tar-Regolament jipprevedi li “L-indikazzjoni tal-kwantità ta' xi ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti użati fil-fabbrikazzjoni jew preparazzjoni ta' xi ikel għandha tkun meħtieġa fejn l-ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti konċernati:

(a)

jidhru fl-isem tal-ikel jew normalment ikunu assoċjati ma' dak l-isem mill-konsumaturi;

(b)

ikunu enfasizzati fuq it-tikkettar bi kliem, stampi jew grafika; jew

(c)

ikunu essenzjali biex jikkaratterizzaw xi ikel u jiddistingwuh mill-prodotti li magħhom jista' jiġi mfixkel minħabba ismu jew id-dehra tiegħu.”

6.

Fir-rigward tal-Artikolu 22(1), il-punt a) tar-Regolament, din id-dispożizzjoni tirrikjedi l-QUID fejn l-ingredjent jidher fl-isem tal-ikel, bħal, pereżempju “pizza tal-perżut u l-faqqiegħ”, “jogurt tal-frawli”, “muss tal-salamun”, “ġelat taċ-ċikkulata”. F'dawn il-każijiet, l-ingredjenti sottolinjati hawn fuq li jidhru fl-isem tal-ikel għandhom jiġu kwantifikati.

7.

L-Artikolu 22(1), il-punt a) tar-Regolament jirrikjedi wkoll il-QUID fejn il-kategorija tal-ingredjent tidher fl-isem tal-ikel bħal, pereżempju għaġina bil-mili tal-ħxejjex, fish fingers, ħobża tal-ġewż, torta tal-frott. F'dawn il-każijiet, il-QUID jenħtieġ li tirreferi għall-kontenut totali ta' ħxejjex, ħut, ġewż jew frott fl-ikel.

8.

Meta l-ingredjenti jkunu ingredjenti komposti  (3), jenħtieġ li japplika dan li ġej:

a.

Meta ingredjent kompost jidher fl-isem tal-ikel (eż. gallettini bil-mili tal-krema), il-QUID tal-ingredjent kompost (jiġifieri l-mili tal-krema) jenħtieġ li tiġi indikata.

b.

Meta ingredjent tal-ingredjent kompost jidher fl-isem tal-ikel (eż. gallettini bil-mili tal-krema li fiha l-bajd), il-QUID għal dan l-ingredjent (il-bajd) jenħtieġ li tingħata wkoll, flimkien mal-QUID tal-ingredjent kompost.

9.

L-Artikolu 22(1), il-punt a) tar-Regolament jirrikjedi wkoll il-QUID fejn il-konsumatur normalment jassoċja ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti mal-isem tal-ikel. Din għandha l-ikbar probabbiltà li tapplika fejn l-ikel jiġi deskritt bl-użu ta' ismijiet tradizzjonali (4) mingħajr iż-żieda ta' ismijiet deskrittivi (5). F'tali każijiet, bħala gwida biex wieħed jiddeċiedi liema ingredjenti għandhom il-probabbiltà li jiġu assoċjati mal-ikel identifikat biss permezz ta' isem tradizzjonali, jista' jiġi kkunsidrat isem deskrittiv għall-ikel. Il-QUID hemmhekk tkun qed tirreferi għall-ingredjenti ewlenin jew ta' valur identifikati għaliex huma dawk li normalment jiġu assoċjati mill-konsumaturi mal-isem tal-ikel.

Eżempji:

Ismijiet tradizzjonali

Eżempju ta' isem deskrittiv

QUID

“Lancashire hot pot”

Muntun u patata bil-basal, il-karrotti u l-gravy

Muntun

“Chilli con carne”

Kapuljat taċ-ċanga bil-fażola, it-tadam, il-bżar, il-basal u ċ-ċili

Kapuljat taċ-ċanga

“Forloren skildpadde”

Vitella, blalen tal-laħam ikkapuljat u blalen tal-ħut bil-basal, il-karrotti u zalza tax-sherry

Vitella

“Boudoir”

Gallettini bil-bajd

Bajd

“Brandade”

Platt ibbażat fuq il-patata u l-bakkaljaw

Bakkaljaw

“Cassoulet”

Platt ibbażat fuq il-fażola ħadra, iz-zalzett u l-biċċiet tal-laħam

Laħam

“Königinpastete”

Stuffat tal-vitella bl-ispraġ u l-faqqiegħ fl-għaġina

Vitella

“Königsberger Klopse”

Blalen tal-laħam ikkapuljat b'zalza bajda tal-kappar

Laħam

“Gulaschsuppe”

Soppa biċ-ċanga, il-basal u l-paprika

Ċanga

“Hutspot”

Platt ibbażat primarjament fuq il-karrotti u l-basal

Karrotti u basal

“Kåldolmar”

Weraq tal-kaboċċi mimlija bil-laħam ikkapuljat u r-ross

Laħam

“Kroppkakor”

Blalen tal-għaġina magħmula mill-patata u d-dqiq u mimlija bil-kapuljat tal-majjal moqli u ffumikat

Majjal

“Janssonin kiusaus” jew “Janssons frestelse”

Platt magħmul mill-patata u l-inċova

Inċova

Din id-dispożizzjoni jenħtieġ li ma tiġix interpretata, madankollu, f'tali mod li kull isem li taħtu jinbiegħ l-ikel jiġi finalment marbut ma' ingredjent speċifiku, b'riżultat ta' liema l-QUID għal dan l-ingredjent tkun trid tiġi ddikjarata. Triq issir valutazzjoni ta' każ b'każ. Pereżempju, mhux meħtieġ li tiġi indikata l-kwantità ta' tuffieħ użati fit-tħejjija tas-cider. B'mod simili, din id-dispożizzjoni ma timponix obbligu awtomatiku biex tindika l-kwantità ta' laħam għall-prodotti bħall-perżut ippreżervat niexef.

10.

L-Artikolu 22(1), il-punt b) tar-Regolament jipprevedi li: “L-indikazzjoni tal-kwantità ta' xi ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti użati fil-fabbrikazzjoni jew preparazzjoni ta' xi ikel għandha tkun meħtieġa fejn l-ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti konċernati: […](b) ikunu enfasizzati fuq it-tikkettar bi kliem, stampi jew grafika;[…]”.

11.

Skont l-Artikolu 22(1), il-punt b) tar-Regolament, ir-rekwiżit tal-QUID japplika:

(i)

fejn ingredjent partikolari jew kategorija ta' ingredjenti jkunu enfasizzati fuq it-tikketta minbarra fl-isem tal-ikel, eż. permezz ta' informazzjoni bħal

“bit-tiġieġ”

“magħmul bil-butir”

“bil-krema”

jew fejn ingredjent partikolari jew kategorija ta' ingredjenti jkunu enfasizzati permezz tal-użu ta' daqs, kulur u/jew stil differenti ta' kitba tal-ittri biex jirreferu għal ingredjenti partikolari xi mkien ieħor fuq it-tikketta fl-isem tal-ikel;

(ii)

fejn rappreżentazzjoni bi stampa tintuża biex tenfasizza b'mod selettiv ingredjent wieħed jew iktar, eż.:

casserole tal-ħut bi stampa jew illustrazzjoni prominenti ta' parti biss mill-ingredjenti tal-ħut;

(iii)

fejn ingredjent huwa enfasizzat permezz ta' xbieha li tevoka l-oriġini tiegħu, eż.:

xbieha jew tpinġija ta' baqra biex jiġu enfasizzati l-ingredjenti tal-ħalib: ħalib, butir.

12.

Hemm preżentazzjonijiet li jenħtieġ li ma jiġux ikkunsidrati bħala li jidħlu taħt din id-dispożizzjoni. Pereżempju:

fejn tingħata x-xbieha tal-ikel kif offrut għall-bejgħ; fejn rappreżentazzjoni bi stampa tkun fil-forma ta' “suġġeriment ta' kif għandu jisserva”, sakemm in-natura tar-rappreżentazzjoni bi stampa tkun magħmula ċara u ma tenfasizzax mod ieħor l-ikel li qed jinbiegħ u/jew kwalunkwe mill-ingredjenti tiegħu;

fejn ix-xbieha tirrappreżenta l-ingredjenti tal-ikel kollha mingħajr ma tenfasizza xi wieħed partikolari;

fejn, fil-każ ta' taħlita tal-ikel, rappreżentazzjoni bi stampa turi kif għandu jiġi ppreparat l-ikel skont l-istruzzjonijiet mingħajr ma tenfasizza xi ingredjent partikolari.

13.

L-Artikolu 22(1), il-punt c) tar-Regolament jipprevedi li: “L-indikazzjoni tal-kwantità ta' xi ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti użati fil-fabbrikazzjoni jew preparazzjoni ta' xi ikel għandha tkun meħtieġa fejn l-ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti konċernati: […](c) ikunu essenzjali biex jikkaratterizzaw xi ikel u jiddistingwuh mill-prodotti li magħhom jista' jiġi mfixkel minħabba ismu jew id-dehra tiegħu.”

14.

Il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni huwa li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-konsumaturi fl-Istati Membri fejn il-konsum ta' ċertu ikel huwa rregolat u/jew fejn il-konsumaturi jassoċjaw ċerti ismijiet ma' kompożizzjonijiet speċifiċi.

Il-firxa tal-ikel li għandu l-probabbiltà li jiġi affettwat hija żgħira ħafna, għaliex id-dispożizzjoni hija intenzjonata li tkopri prodotti li l-kompożizzjoni tagħhom tista' tvarja ħafna minn Stat Membru wieħed għall-ieħor iżda li normalment jitpoġġew fis-suq taħt l-istess isem.

Il-każijiet identifikati s'issa matul id-diskussjonijiet fil-passat mal-esperti tal-Istati Membri huma:

il-majoneż,

il-marżipan.

Biex japplika r-rekwiżit tal-QUID iridu jiġu ssodisfati b'mod kumulattiv żewġ kundizzjonijiet. L-ingredjent jew il-kategorija ta' ingredjenti trid tkun essenzjali kemm:

biex tikkaratterizza l-ikel, u

biex tiddistingwih mill-prodotti li magħhom jista' jiġi mfixkel minħabba ismu jew id-dehra tiegħu.

3.   Derogi mill-obbligu li tiġi indikata l-QUID

15.

L-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi każijiet fejn il-QUID mhix meħtieġa.

16.

Il-Punt 1(a)(i) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “1. L-indikazzjoni kwantitattiva m'għandhiex tkun meħtieġa: (a) għal xi ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti: (i) li l-piż nett mingħajr ilma tagħhom hu indikat skont il-punt 5 tal-Anness IX; […]”.

Il-Punt 5 tal-Anness IX tar-Regolament jipprevedi li “Fejn ikel solidu jiġi ppreżentat f'forma likwida, il-piż nett tal-ikel imsoffi mil-likwidu għandu jiġi indikat ukoll. Fejn l-ikel ikun ġie suġġett għall-glazing, il-piż nett iddikjarat tal-ikel għandu jkun mingħajr il-glazing.

Għall-finijiet ta' dan il-punt, ‘il-forma likwida’ għandha tfisser il-prodotti li ġejjin, possibbilment f'taħlitiet u anki meta ffriżati jew iffriżati malajr, dment li l-likwidu ikun biss żieda mal-elementi essenzjali ta' dik il-preparazzjoni u għalhekk mhux fattur deċiżiv għax-xiri: ilma, taħlitiet ta' melħ fl-ilma, salmura, taħlitiet ta' ilma ta' aċidi fl-ikel, ħall, taħlitiet fl-ilma taz-zokkor, taħlitiet fl-ilma ta' sustanzi oħra ħelwin, ġulepp tal-frott jew tal-ħaxix fil-każ ta' frott jew ħxejjex.”

Għalhekk, f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq tar-Regolament, kwalunkwe prodott li jrid jiddikjara l-piż nett bl-ilma msoffi u l-piż nett fuq it-tikketta tiegħu skont il-Punt 5 tal-Anness IX huwa eżenti mir-rekwiżit li jipprovdi QUID separata. Il-kwantità tal-ingredjent jew tal-kategorija ta' ingredjenti tista' tiġi kkalkulata mill-indikazzjoni tal-piż nett bl-ilma msoffi.

Eżempji: tonn fis-salmura, ananas fil-ġulepp.

B'analoġija, l-istess prinċipju bħal ta' hawn fuq jista' japplika wkoll fejn it-tikkettar ta' prodott ippreżentat f'forma likwida mhux kopert mill-Punt 5 tal-Anness IX (eż. żejt tal-ġirasol) jinkludi, fuq bażi volontarja, indikazzjoni tal-piż nett bl-ilma msoffi. Il-kwantità tal-ingredjent jew tal-kategorija ta' ingredjenti tista' tiġi kkalkulata mill-indikazzjoni tal-piż nett bl-ilma msoffi. Għalhekk, f'tali każ jenħtieġ li l-QUID ma jkunx hemm għalfejn tingħata.

L-eżenzjoni ma tapplikax fejn il-piż nett u l-piż nett bl-ilma msoffi jingħataw għal prodotti ta' ingredjenti mħalltin, fejn wieħed jew iktar minn dawn l-ingredjenti jiġi kkwotat fl-isem jew enfasizzat b'xi mod. L-ammont ta' kull ingredjent ma jistax jiġi kkalkulat mill-indikazzjonijiet tal-piż diġà mogħtija.

Eżempju: żebbuġ u bżar ippreżentati f'forma likwida. F'tali każ il-QUID hija meħtieġa għaż-żebbuġ u għall-bżar individwalment.

17.

Il-Punt 1(a)(ii) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “1. L-indikazzjoni kwantitattiva m'għandhiex tkun meħtieġa: (a) għal xi ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti: […] (ii) li l-kwantitajiet tagħhom għandhom ikunu diġà jidhru fuq it-tikkettar skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni; […]”.

Id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li hemm referenza għalihom f'dan il-punt huma elenkati fit-tabella hawn taħt. Il-QUID mhix meħtieġa jekk il-leġiżlazzjoni diġà tirrikjedi l-kwantità tal-ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti inkwistjoni li għandhom jiġu indikati fuq it-tikketta. Madankollu, fejn, fil-każ ta' nektars u ġammijiet prodotti b'żewġ frottiet jew iktar individwalment enfasizzati fuq it-tikketta permezz ta' kliem jew xbihat jew inklużi individwalment fl-isem tal-ikel, il-kwantità jew il-perċentwal ta' dawk l-ingredjenti jridu jkunu indikati wkoll.

Id-Direttiva 1999/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6)

Estratti tal-kafè u estratti taċ-ċikwejra

(l-Artikolu 2)

Id-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7)

Prodotti tal-kawkaw u taċ-ċikkulata

(l-Artikolu 3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE (8)

Meraq tal-frott u ċerti prodotti simili

(l-Artikolu 3(7): kontenut tal-frott tan-nektar)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/113/KE (9)

Ġammijiet tal-frott, jellies u marmellati u puree tal-qastan

(l-Artikolu 2)

18.

Il-Punt 1(a)(iii) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “L-indikazzjoni kwantitattiva m'għandhiex tkun meħtieġa: (a) għal xi ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti: […] (iii) li huma użati fi kwantitajiet żgħar għall-finijiet ta' aromatizzanti; […]”

L-eżenzjoni jenħtieġ li tiftiehem bħala li mhix limitata għal “aromatizzanti” kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10): tapplika għal kwalunkwe ingredjent (jew kategorija ta' ingredjenti) użati fi kwantitajiet żgħar biex jagħtu togħma lill-ikel (eż. tewm, ħxejjex aromatiċi, ħwawar).

Id-definizzjoni ta' “kwantitajiet żgħar” mhix definita fir-Regolament. Jenħtieġ li tiġi vvalutata fuq bażi ta' każ b'każ.

Eżempji: ħobż bit-tewm, chips togħma ta' prawn cocktail, chips togħma ta' tiġieġ.

19.

Il-Punt 1(a)(iv) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “L-indikazzjoni kwantitattiva m'għandhiex tkun meħtieġa: (a) għal xi ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti: […] (iv) li, filwaqt li jidhru fl-isem tal-ikel, mhumiex tali li jiddeterminaw l-għażla tal-konsumatur fil-pajjiż fejn jinbiegħu minħabba li l-varjazzjoni fil-kwantità mhix essenzjali biex tikkaratterizza l-ikel jew ma tiddistingwihx minn ikel simili; […]”.

Din id-dispożizzjoni tipprevedi eżenzjoni mir-rekwiżit tal-QUID fejn il-kwantità ta' ingredjent imsemmi fl-isem tal-ikel ma taffettwax id-deċiżjoni tax-xiri tal-konsumatur.

L-eżenzjoni tapplika biss fejn l-isem tal-ingredjent jew tal-kategorija ta' ingredjenti jidher fl-isem tal-ikel. Tapplika wkoll fejn ir-ripetizzjonijiet identiċi tal-kliem użat għall-isem tal-ikel jidhru fuq l-uċuħ differenti tal-imballaġġ. Jenħtieġ li ma tapplikax jekk l-isem tal-ingredjent huwa enfasizzat, u b'mod partikolari fejn l-isem jidher barra mill-isem tal-ikel u fl-informazzjoni li tiġbed l-attenzjoni tax-xerrej għall-preżenza tal-ingredjent.

B'mod indikattiv, it-tipi ta' ikel koperti minn din l-eżenzjoni jistgħu jkunu:

malt whiskey/whisky u prodotti simili bħal grain vodka,

likuri standard li fid-denominazzjoni tagħhom jidher biss l-ingredjent użat biex jagħti togħma lill-alkoħol,

spirti tar-residwu tal-għasra, spirti tal-frott, spirti (preċeduti mill-isem tal-frotta) miksuba mill-maċerazzjoni u d-distillazzjoni, u Geist (bl-isem tal-frotta jew tal-materja prima użata) skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), l-Anness II, il-punti 6, 9, 16 u 17,

zalza tas-sojja,

stikek mielħa,

stikek biż-żerriegħa tal-pepprin,

stikek biż-żerriegħa tal-ġunġlien,

qamħirrum iqarmeċ,

birra tal-għasel.

20.

Il-Punt 1(b) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “L-indikazzjoni kwantitattiva m'għandhiex tkun meħtieġa: (b) fejn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni jistipulaw preċiżament il-kwantità ta' ingredjent jew ta' kategorija ta' ingredjenti mingħajr ma jipprevedu l-indikazzjoni tagħhom fuq it-tikketta; […]”.

Fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma hemmx dispożizzjonijiet li jistipulaw kwantitajiet preċiżi tal-ingredjenti mingħajr ma jipprovdu għal indikazzjoni fuq it-tikkettar. Il-Punt 1(b) tal-Anness VIII tar-Regolament jirrikjedi “kwantità preċiża”. Għalhekk, l-impożizzjoni ta' ammont minimu ta' ingredjent jenħtieġ li ma tiġix ikkunsidrata bħala raġuni għal eżenzjoni skont din id-dispożizzjoni.

21.

Il-Punt 1(c) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “L-indikazzjoni kwantitattiva m'għandhiex tkun meħtieġa: (c) fil-każijiet imsemmija fil-punti 4 u 5 tal-Parti A tal-Anness VII.”

22.

Il-Punt 4 tal-Parti A tal-Anness VII tar-Regolament jipprevedi li “Il-frott, il-ħaxix jew il-faqqiegħ, li ma tantx jippredominaw f'termini ta' użin u li huma użati fi proporzjonijiet li x'aktarx ivarjaw, użati f'taħlita bħala ingredjenti ta' xi ikel jistgħu jitqiegħdu flimkien fi grupp fil-lista ta' ingredjenti taħt l-isem ‘frott’, ‘ħxejjex’ jew ‘faqqiegħ’ flimkien mal-frażi ‘fi proporzjonijiet li jvarjaw’, segwiti immedjatament b'lista tal-frott, ħxejjex jew faqqiegħ preżenti. F'dawk il-każijiet, it-taħlita għandha titniżżel fil-lista ta' ingredjenti skont l-Artikolu 18(1), abbażi tal-piż totali tal-frott, ħxejjex jew faqqiegħ preżenti.”

F'dan il-każ, il-QUID mhix meħtieġa għal kull komponent ta' dik it-taħlita fejn l-ebda mill-komponenti ma huma predominanti b'mod sinifikanti f'termini ta' piż u dawk il-komponenti jintużaw fi proporzjonijiet li probabbilment ivarjaw.

23.

Il-Punt 5 tal-Parti A tal-Anness VII tar-Regolament jipprevedi li “Ingredjenti f'taħlitiet ta' ħwawar jew ħxejjex aromatiċi, fejn l-ebda minnhom ma tippredomina sew fil-proporzjon bl-użin jistgħu jitniżżlu f'ordni differenti dment li dik il-lista ta' ingredjenti tkun akkumpanjata b'espressjoni bħal ‘fi proporzjon varjabbli’.”

F'dan il-każ, il-QUID mhix meħtieġa għal kull komponent ta' dik it-taħlita fejn l-ebda mill-komponenti fit-taħlita ma huma predominanti b'mod sinifikanti bil-piż.

24.

Il-Punt 2 tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “Il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 22(1) m'għandhomx japplikaw fil-każ ta': (a) xi ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti koperti bl-indikazzjoni ‘fih dolċifikant(i)’ jew ‘għandu z-zokkor u dolċifikant(i)’ jekk dik l-indikazzjoni tkun mal-ikel, skont l-Anness III; jew (b) kwalunkwe vitamini u minerali miżjuda jekk dik is-sustanza tkun suġġetta għad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni.”

Billi timxi fuq l-istess prinċipju, il-QUID marbuta mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 22(1) jenħtieġ li ma tkunx meħtieġa għal kwalunkwe nutrijent miżjud jew sustanza oħra b'effett nutrittiv jew fiżjoloġiku li huma ingredjenti ta' supplimenti tal-ikel fejn l-informazzjoni nutrittiva hija fornuta skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

4.   Forom ta' espressjoni għall-QUID

25.

Il-Punt 3(a) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “L-indikazzjoni tal-kwantità ta' xi ingredjent jew kategorija tal-ingredjenti għandha (a) tkun espressa bħala perċentwal, li għandu jikkorrispondi għall-kwantità tal-ingredjent jew ingredjenti meta dawn jintużaw […]”.

Il-kwantità dikjarata ta' ingredjent hija kkalkulata abbażi tar-riċetta fil-mument ta' meta jiġu miżjuda l-ingredjenti, jiġifieri l-istess metodu kif jintuża biex jiddetermina l-ordni fil-lista tal-ingredjenti (l-Artikolu 18(1) tar-Regolament).

26.

Il-Punt 4 tal-Anness VIII tar-Regolament jelenka għadd ta' eżenzjonijiet mill-prinċipju dikjarat fil-punt 3(a), b'mod partikolari rilevanti għall-ikel li tilef l-indewwa wara t-trattament tiegħu, għall-ingredjenti volatili u għall-ikel u l-ingredjenti konċentrati u deidrati.

Iktar partikolari:

27.

Il-Punt 4(a) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “B'deroga mill-punt 3: (a) fejn l-ikel ikun tilef mill-irtubija tiegħu minħabba trattament bis-sħana jew trattament ieħor, il-kwantità għandha tkun espressa bħala perċentwal li għandu jikkorrispondi għall-kwantità tal-ingredjent jew ingredjenti użati, marbut mal-prodott lest, sakemm dik il-kwantità jew il-kwantità totali tal-ingredjenti kollha indikati fuq it-tikkettar taqbeż il-100 %, f'liema każ il-kwantità għandha tiġi indikata abbażi tal-piż tal-ingredjent jew ingredjenti użati biex jiġu preparati 100 g tal-prodott lest;”.

Il-QUID fuq l-ikel li tilef l-indewwa wara l-produzzjoni (bħal kejkijiet, gallettini, torti, laħam ippreservat niexef) trid tkun ibbażata fuq il-kwantità tal-ingredjent fl-istadju ta' meta jkun fl-iskutella tat-taħlit espressa bħala perċentwal tal-kwantità tal-prodott lest. Pereżempju:

Għal “cookie tal-butir”, fejn il-butir biss ikun jeħtieġ il-QUID, il-kalkolu jrid ikun kif ġej:

Piż tal-ingredjenti:

Dqiq: 100 g

Zokkor: 40 g

Butir: 50 g

Bajd: 10 g

Piż totali tal-ingredjenti fl-iskutella tat-taħlit: 200 g

Piż totali tal-prodott lest wara li jinħema: 170 g

Kalkolu għall-QUID tal-butir bħala perċentwal: (50/170)*100 = 29,4 % butir.

Minħabba l-fatt li l-QUID tal-butir ma taqbiżx il-100 %, il-QUID għall-butir trid tkun espressa bħala perċentwal f'rabta mal-prodott lest (jiġifieri 29,4 %).

Madankollu, fil-każ li l-QUID taqbeż il-100 % f'rabta mal-prodott lest, trid tiġi pprovduta abbażi tal-piż tal-ingredjent(i) użat(i) biex jitħejjew 100 g tal-prodott lest. Pereżempju:

Għal prodott tal-laħam niexef (salami) magħmul mil-laħam tal-majjal, fejn il-laħam tal-majjal biss ikun jeħtieġ il-QUID, il-kalkolu jrid ikun kif ġej:

Piż tal-ingredjenti:

Laħam tal-majjal: 120 g

Melħ: 4,1 g

Trab tal-ħalib: 3 g

Ingredjenti oħrajn: 2,9 g

Piż totali tal-ingredjenti fl-iskutella tat-taħlit: 130 g

Piż totali tal-prodott lest: 100 g

Kalkolu għall-QUID tal-laħam tal-majjal bħala perċentwal: (120/100)*100 = 120 % laħam tal-majjal.

Minħabba l-fatt li l-kalkolu tal-QUID għal-laħam tal-majjal jaqbeż il-100 %, il-perċentwal irid jiġi sostitwit permezz ta' indikazzjoni abbażi tal-piż tal-laħam tal-majjal użat fit-tħejjija ta' 100 g ta' salami (eż. l-indikazzjoni tal-QUID tista' tkun espressa kif ġej: “120 g ta' laħam tal-majjal intużaw għall-produzzjoni ta' 100 g ta' salami”).

28.

Il-Punt 4(b) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “B'deroga mill-punt 3: […] (b) il-kwantità tal-ingredjenti volatili għandha tiġi indikata abbażi tal-proporzjon tagħhom bl-użin fil-prodott lest;”.

L-indikazzjoni tal-QUID għall-ingredjenti volatili (eż. brandy f'kejk jew pudina) trid tkun ibbażata fuq il-kwantità tal-ingredjent fl-istadju ta' meta jkun fl-iskutella tat-taħlit espressa bħala perċentwal tal-kwantità tal-prodott lest.

29.

Il-Punt 4(c) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “B'deroga mill-punt 3: […] (c) il-kwantità ta' ingredjenti użati f'forma konċentrata jew deidrata u magħmula mill-ġdid waqt il-fabbrikazzjoni tista' tiġi indikata abbażi tal-proporzjon tagħhom bl-użin kif meħud waqt il-konċentrazzjoni jew id-deidrazzjoni tagħhom;”.

Id-deroga ta' hawn fuq triq tinqara flimkien mal-Punt 2, il-Parti A tal-Anness VII tar-Regolament li jipprevedi li “Ingredjenti użati f'forma konċentrata jew deidrata u magħmula mill-ġdid waqt il-fabbrikazzjoni/Jistgħu jitniżżlu fl-ordni skont il-piż tagħhom kif irreġistrat qabel il-konċentrazzjoni jew id-deidrazzjoni tagħhom.” F'dan ir-rigward, fejn l-operatur tan-negozju tal-ikel jelenka l-ingredjenti li jagħmlu użu mid-dispożizzjoni tal-Anness VII, il-Parti A, il-Punt 2, irid jindika wkoll il-QUID skont id-dispożizzjoni taħt il-Punt 4(c) tal-Anness VIII.

30.

Il-Punt 4(d) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li: “B'deroga mill-punt 3: […] (d) fil-każ ta' ikel konċentrat jew deidrat li hu intiż li jiġi magħmul mill-ġdid biż-żieda ta' ilma, il-kwantità tal-ingredjenti tista' tiġi indikata abbażi tal-proporzjon tagħhom bl-użin fil-prodott magħmul mill-ġdid.”

Id-deroga ta' hawn fuq triq tinqara flimkien mal-Punt 3, il-Parti A tal-Anness VII tar-Regolament li jipprevedi li “Ingredjenti użati f'ikel konċentrat jew deidrat, li huma intiżi biex jiġu magħmula mill-ġdid biż-żieda ta' ilma/Jistgħu jitniżżlu f'ordni proporzjonali tal-prodott magħmul mill-ġdid dejjem jekk il-lista ta' ingredjenti jkollha magħha espressjoni, bħala ‘ingredjenti tal-prodott magħmul mill-ġdid’ jew ‘ingredjenti tal-prodott lest biex jintuża’.” F'dan ir-rigward, fejn l-operatur tan-negozju tal-ikel jelenka l-ingredjenti li jagħmlu użu mid-dispożizzjoni tal-Anness VII, il-Parti A, il-Punt 3, irid jindika wkoll il-QUID skont id-dispożizzjoni taħt il-punt 4(d) tal-Anness VIII.

31.

Il-QUID jenħtieġ li tirrelata mal-ingredjenti kif indikat fil-lista tal-ingredjenti. L-ingredjenti indikati, pereżempju, bħala “tiġieġa”, “ħalib”, “bajda”, “banana” jenħtieġ li jiġu kwantifikati bħala mhux imsajrin/sħaħ, għaliex l-ismijiet użati ma jagħtux indikazzjoni tal-ipproċessar u għalhekk jimplikaw l-użu tal-ikel mhux imsajjar/sħiħ. L-ingredjenti identifikati bl-ismijiet li jindikaw li ntużaw f'forma apparti mill-forma mhux imsajjra/sħiħa tagħhom, eż. “tiġieġa mixwija”, “ħalib tat-trab”, “frott kristallizat”, jenħtieġ li jiġu kwantifikati kif użati.

32.

Il-Punt 1, il-Parti A tal-Anness VII tar-Regolament jipprevedi li l-ilma miżjud u l-prodotti volatili jridu jitniżżlu fl-ordni skont il-piż tagħhom tal-prodott lest. Madankollu, dan ma japplikax għall-ilma miżjud fil-każ li l-ammont tiegħu ma jaqbiżx il-5 % tal-piż tal-prodott lest. Din id-deroga ma tapplikax għal-laħam, il-preparazzjonijiet tal-laħam, prodotti tal-ħut mhux ipproċessati u molluski bivalvi mhux ipproċessati.

Madankollu, l-ammont ta' ilma miżjud taħt il-5 % irid jitqies għall-kalkolu tal-QUID tal-ingredjenti fl-ikel li miegħu ġie miżjud l-ilma.

33.

Il-kwantitajiet indikati fuq it-tikkettar jiddenominaw il-kwantità medja tal-ingredjent jew tal-kategorija ta' ingredjenti li jridu jissemmew. Kwantità medja tfisser il-kwantità tal-ingredjent jew tal-kategorija ta' ingredjenti miksuba b'riżultat ta' konformità mar-riċetta u l-prattika tajba ta' manifattura, li tippermetti għall-varjazzjonijiet normali tal-manifattura tal-produttur.

5.   Pożizzjoni tal-QUID fuq it-tikkettar

34.

Il-QUID hija dettall mandatorju elenkat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament u trid tiġi ppreżentata fuq it-tikketta skont ir-regoli tal-Artikolu 13 “Preżentazzjoni tad-dettalji mandatorji”.

35.

Il-Punt 3(b) tal-Anness VIII tar-Regolament fih previst li “L-indikazzjoni tal-kwantità ta' xi ingredjent jew kategorija tal-ingredjenti għandha: […] (b) tidher jew fl-isem jew eżatt ħdejn l-isem tal-ikel jew fil-lista ta' ingredjenti b'konnessjoni mal-ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti konċernati.”

36.

Fil-każ ta' kategoriji ta' ingredjenti mhux inklużi fil-Parti B tal-Anness VII u li għalhekk ma jistgħux jidhru waħidhom fil-lista tal-ingredjenti, il-QUID ta' dawn il-kategoriji trid tidher fl-isem tal-ikel jew eżattament ħdejh.

37.

Fil-każ tal-ikel li bħalissa huwa eżenti mill-elenkar tal-ingredjenti, l-indikazzjoni tal-QUID trid tidher fl-isem tal-ikel jew eżattament ħdejh sakemm ma tkunx indikata b'mod volontarju lista tal-ingredjenti fuq it-tikkettar, f'liema każ il-QUID tista' tidher fil-lista tal-ingredjenti.


(1)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

(2)  ĠU L 33, 8.2.1979, p. 1.

(3)  Skont l-Artikolu 2(2), il-punt h) tar-Regolament, “ingredjent kompost” tfisser ingredjent li fih innifsu huwa r-riżultat ta' aktar minn ingredjent wieħed.

(4)  Isem tradizzjonali kif definit fl-Artikolu 2(2), il-punt o) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

(5)  Isem deskrittiv kif definit fl-Artikolu 2(2), il-punt p) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

(6)  ĠU L 66, 13.3.1999, p. 26.

(7)  ĠU L 197, 3.8.2000, p. 19.

(8)  ĠU L 10, 12.1.2002, p. 58.

(9)  ĠU L 10, 12.1.2002, p. 67.

(10)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34.

(11)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

(12)  ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

21.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/13


Notifikata minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8685 — Foncière des Régions/Marriott International/Le Méridien Hotel f’Nizza)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 393/06)

1.

Fit-13 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Foncière des Régions (“FDR”, Franza),

Starwood Hotels & Resorts Worldwide, LLC (“Starwood”, l-Istati Uniti tal-Amerika),

Le Méridien Hotel f’Nizza (“Le Méridien Nice”, Franza).

FDR takkwista fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, kontroll uniku ta’ Lehwood Nice SAS li hija s-sid tal-assi ta’ Le Méridien Nice.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

Billi takkwista l-kontroll uniku ta’ Lehwood, FDR se takkwista wkoll indirettament il-kontroll konġunt ta’ Le Méridien Nice flimkien ma’ Starwood, affiljata ta’ Marriott International, Inc., li tiġġestixxi indirettament lil Le Méridien Nice fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ ġestjoni.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal FDR: grupp Franċiż ta’ investiment tal-proprjetà immobbli li l-portafoll tal-assi kummerċjali tiegħu jikkonsistit prinċipalment f’uffiċċji kif ukoll f’assi residenzjali u lukandi.

—   għal Starwood: sussidjarja li totalment proprjetà ta’ Marriott. Marriott hija kumpanija tal-ospitalità diversifikata li taġixxi bħala maniġer u franchisor ta’ lukandi u proprjetajiet tat-timeshare. Mit-tmiem is-sena 2016, Marriott ħaddmet u kellha franchise ta’ xi 6 080 proprjetà madwar id-dinja.

—   għal Le Méridien Nice: lukanda b’erba’ stilel li tinsab f’Nizza.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.8685 — Foncière des Régions/Marriott International/Le Méridien Hotel f’Nizza

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks: +32 22964301

Indirizz tal-posta:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


21.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/15


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8612 — CZ/DT/Carl Zeiss Smart Optics)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 393/07)

1.

Fit-13 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet avviż ta’ proposta ta’ konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (1) (KE) Nru 139/2004.

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Carl-Zeiss-Stiftung (il-Ġermanja),

Carl Zeiss AG (il-Ġermanja), ikkontrollata minn Carl-Zeiss-Stiftung,

Deutsche Telekom AG (il-Ġermanja),

Carl Zeiss Smart Optics, Inc. (l-Istati Uniti tal-Amerika), ikkontrollata minn Carl Zeiss AG u Deutsche Telekom AG.

Carl Zeiss AG u Deutsche Telekom AG jakkwistaw fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4), il-kontroll konġunt ta’ Carl Zeiss Smart Optics, Inc.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma f’kumpanija maħluqa ġdida li tikkostitwixxi impriża konġunta (joint venture, JV).

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   Carl-Zeiss-Stiftung: Carl-Zeiss-Stiftung tikkontrolla Carl Zeiss AG u Schott AG. Il-grupp teknoloġiku Carl Zeiss AG huwa preżenti fl-oqsma tal-ottika u l-ottoelettronika. Il-grupp teknoloġiku Schott AG jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fl-oqsma tal-ħġieġ speċjali u taċ-ċeramika tal-ħġieġ.

—   Deutsche Telekom: Deutsche Telekom AG hija operatur preżenti f’livell dinji f’aktar minn 50 pajjiż fis-setturi tat-telekomunikazzjoni u tat-teknoloġija tal-informatika. DT tipproponi prodotti u servizzi mill-oqsma tan-netwerks fissi/broadband, telefoni mobbli, Internet, IPTV u t-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni. Din l-impriża toffri wkoll servizzi tat-telekomunikazzjoni bl-ingrossa lil operaturi tat-telekomunikazzjoni u operaturi tas-servizzi tal-Internet oħrajn.

—   Carl Zeiss Smart Optics: l-għan ta’ Carl Zeiss Smart Optics, Inc. huwa li tiżviluppa u tikkummerċjalizza sistemi ta’ nuċċalijiet intelliġenti.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.8612 — CZ/DT/Carl Zeiss Smart Optics

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bl-email, faks jew bil-posta, fejn għandhom jintużaw id-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks: +32 22964301

Indirizz tal-posta:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


21.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/17


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8478 — Zukunft Ventures/Gustav Magenwirth/Brake Force One/Unicorn Energy/JV)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 393/08)

1.

Fl-14 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 u wara referenza skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Zukunft Ventures GmbH (“ZV”, il-Ġermanja), ikkontrollata minn ZF Friedrichshafen AG (“ZF”, il-Ġermanja),

Gustav Magenwirth GmbH & Co. KG (“MAGURA”, il-Ġermanja), ikkontrollata minn MAGENWIRTH Technologies GmbH (il-Ġermanja),

Brake Force One GmbH (“BFO”, il-Ġermanja),

Unicorn Energy GmbH (“Unicorn”, il-Ġermanja), ikkontrollata minn Preiß BeteiligungsGmbH (il-Ġermanja),

impriża konġunta (joint venture, JV) li għadha kif inħolqot (“il-JV”, il-Ġermanja).

ZV, MAGURA, BFO u Unicorn jakkwistaw fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġunt tal-JV.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma f’kumpanija maħluqa ġdida li tikkostitwixxi f’joint venture.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal ZV: għandha interessi f’impriżi ġodda innovattivi u kumpaniji tat-teknoloġija li huma attivi fl-oqsma tat-teknoloġija interessanti għal ZF. ZF hija attiva madwar id-dinja kollha fit-teknoloġija tas-sewqan u tal-gerijiet, kif ukoll fit-teknoloġija ta’ sigurtà attiva u passiva,

—   għal MAGURA: tiżviluppa, tipproduċi u tforni sistemi ta’ brejkijiet idrawliċi u komponenti oħra ta’ teknoloġija għolja, għar-roti, roti elettriċi, pedelecs u muturi,

—   għal BFO: attiva fl-iżvilupp ta’ sistemi tal-brejkijiet għal vetturi b’żewġ roti. Barra minn hekk, hija tiżviluppa roti elettriċi għall-industrija tal-karozzi Ġermaniża,

—   għal Unicorn: attiva fl-iżvilupp ta’ sistemi ta’ sewqan għal vetturi ħfief elettriċi

—   għall-JV: se tkun attiva fir-riċerka, l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-forniment ta’ ABS u sistemi ta’ sewqan għal vetturi ħfief elettriċi, inkluż is-segment tal-vetturi “ġdida ta’ mobilità urbana” (roti, roti elettriċi, pedelecs, scooters elettriċi, mobilità tal-aħħar mil sal-kategorija L7e).

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.8478 — Zukunft Ventures/Gustav Magenwirth/Brake Force One/Unicorn Energy/JV

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks: +32 22964301

Indirizz tal-posta:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.