ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 246

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 60
28 ta' Lulju 2017


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

il-525 Sessjoni Plenarja tal-KESE fis-26 u s-27 ta' April 2017

2017/C 246/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar In-nisa u t-trasport – Pjattaforma għall-Bidla (opinjoni esploratorja mitluba mill-Kummissjoni)

1

2017/C 246/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-diġitalizzazzjoni u l-mudelli tan-negozju innovattivi fis-settur finanzjarju Ewropew: l-impatt fuq l-impjieg u l-klijenti (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

8


 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

il-525 Sessjoni Plenarja tal-KESE fis-26 u s-27 ta' April 2017

2017/C 246/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika[COM(2017) 68 final — 2017/0024 (NLE)]

18

2017/C 246/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli fir-rigward tal-flus deħlin jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005[COM(2016) 825 final — 2016/0413 (COD)]

22

2017/C 246/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/794 u (UE) 2016/1624[COM(2016) 731 final — 2016/0357 (COD)]

28

2017/C 246/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, li jemenda d-Direttiva 94/22/KE, id-Direttiva 98/70/KE, id-Direttiva 2009/31/KE, ir-Regolament (KE) Nru 663/2009, ir-Regolament (KE) Nru 715/2009, id-Direttiva 2009/73/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE, id-Direttiva 2010/31/UE, id-Direttiva 2012/27/UE, id-Direttiva 2013/30/UE u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013[COM(2016) 759 final — 2016/0375/(COD)]

34

2017/C 246/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija[COM(2016) 761 final — 2016/0376 (COD)]

42

2017/C 246/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija[COM(2016) 765 final — 2016/0381 (COD)]

48

2017/C 246/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (verżjoni riformulata)[COM ((2016) 767 final — 2016/0382 (COD)]

55

2017/C 246/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew DWAR Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha[COM(2016) 860 final]

64

2017/C 246/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp – Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna[COM(2016) 740 final]

71


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

il-525 Sessjoni Plenarja tal-KESE fis-26 u s-27 ta' April 2017

28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 246/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “In-nisa u t-trasport – Pjattaforma għall-Bidla”

(opinjoni esploratorja mitluba mill-Kummissjoni)

(2017/C 246/01)

Relatur:

Madi SHARMA

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 13.10.2016

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

11.4.2017

Adottata fil-plenarja

26.4.2017

Sessjoni plenarja Nru

525

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

148/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) għandu esperjenza konsiderevoli fil-ħidma dwar politika fis-settur tat-trasport u aktar reċenti kkunsidra d-dimensjoni tal-ġeneri f’dan is-settur tradizzjonalment iddominat mill-irġiel (ara l-Opinjoni TEN/573 In-nisa u t-trasport) (1). Bħala l-istituzzjoni tal-UE li tirrappreżenta lis-soċjetà ċivili, għandu għarfien espert fid-djalogu u fil-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar azzjonijiet leġislattivi.

1.2.

Il-KESE jirrikonoxxi l-Pjattaformi tal-Partijiet Ikkonċernati bħala forums effettivi tal-bidla jekk huma:

jippermettu l-iskambju tal-aħjar prattika bejn istituzzjonijiet, negozji u assoċjazzjonijiet differenti li jiffaċċjaw sfidi simili;

jinkoraġġixxu lill-partijiet ikkonċernati jieħdu r-responsabbiltà u jindirizzaw l-isfidi;

iqisu l-kawżi prinċipali tal-isfidi;

isegwu objettivi SMART (speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, realistiċi u marbuta mal-ħin);

jiġġeneraw attivitajiet ibbażati fuq l-evidenza għad-disseminazzjoni;

jiżviluppaw għodod u riżorsi biex jiġu adottati minn oħrajn;

jirreplikaw il-Pjattaformi fuq livell Ewropew fuq livelli nazzjonali u anke reġjonali biex jindirizzaw sfidi simili madwar l-Istati Membri.

jirċievu informazzjoni dwar inizjattivi minn setturi oħrajn li qed jaffaċċjaw kwistjonijiet simili.

1.3.

Il-KESE jipproponi Pjattaforma għall-Bidla tal-UE (“Pjattaforma”), biex tiġi indirizzata l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-trasport, fejn inizjalment tingħata prijorità biex tiżdied l-impjegabbiltà tan-nisa fis-settur. Dan l-objettiv inizjali jista’ aktar tard jiġi ssupplimentat bl-inklużjoni tan-“nisa bħala utenti”. It-trasport jinkludi trasport bl-ajru, bil-baħar, bit-triq, bil-ferrovija, bin-navigazzjoni interna u loġistika. Is-sħubija tista’ tinkludi, iżda mhux biss, korpi rappreżentattivi fil-livell tal-UE u nazzjonali ta’ dawk li jfasslu l-politika, l-industriji tat-trasport, it-trejdjunjins tagħhom, il-midja, l-organizzazzjonijiet tal-passiġġiera u l-NGOs li jixtiequ jimpenjaw ruħhom għal azzjonijiet konkreti li jindirizzaw l-inugwaljanza bejn is-sessi fit-trasport.

1.4.

Il-KESE jippromwovi l-objettivi tal-implimentazzjoni ta’ politiki sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi permezz tal-istabbiliment ta’ objettivi ċari: termini ta’ referenza u kamp ta’ applikazzjoni definit, inklużi indikaturi, li huma żviluppati mill-membri waqt il-formazzjoni tal-Pjattaforma. Dan jipprovdi mudell ta’ ħidma fi Sħubija u azzjoni kkoordinata mill-partijiet ikkonċernati tas-settur biex jiġu trasposti inizjattivi ġodda fl-Ewropa kollha.

1.5.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Pjattaforma żżomm il-kapaċità li tkun flessibbli u adattabbli bejn id-dimensjonijiet kollha tas-settur u fil-livell ta’ politika. Din jenħtieġ tinsisti fuq it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-membri u tal-funzjonament tagħha. Il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-reviżjoni annwali huma għodod essenzjali għall-kredibbiltà u s-suċċess tal-Pjattaforma.

1.6.

Il-pjattaforma tista’ tkun ta’ suċċess biss jekk il-membri jieħdu sjieda sħiħa u għalhekk il-KESE jipproponi preżenza fuq l-Internet li telenka l-membri, l-attivitajiet tagħhom u tospita bażi tad-data dwar l-azzjonijiet, rakkomandazzjonijiet, monitoraġġ u evalwazzjonijiet, għal oħrajn biex jirreplikaw jew ikunu sors ta’ informazzjoni.

2.   Sfond

2.1.

L-impjieg tan-nisa fis-settur tat-trasport huwa partikolarment baxx. Fl-2013, 78 % tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport fl-UE kienu rġiel. L-attrazzjoni ta’ aktar nisa hija essenzjali biex ikun hemm aktar bilanċ bejn is-sessi fis-settur, biex b’hekk isir aktar faċli għall-utent filwaqt li jikkumpensa għan-nuqqasijiet u l-isfidi marbuta mal-forza tax-xogħol (terz tal-ħaddiema kollha fit-trasport għandhom aktar minn 50 sena).

2.2.

Fl-1 ta’ Lulju 2015, il-KESE adotta opinjoni esploratorja dwar “In-nisa u t-trasport” u ħa sehem f’avveniment ta’ segwitu organizzat mill-Kummissarji Bulc u Jourova f’April 2016. Sussegwentement, id-DĠ MOVE wettaq diversi konsultazzjonijiet ma’ grupp ta’ esperti fejn ġew diskussi l-isfidi u r-rakkomandazzjonijiet attwali. Ir-rappreżentant tal-KESE ppropona idea biex tiġi implimentata “Pjattaforma għall-Bidla” li ġiet approvata mill-Kummissjoni Ewropea bħala mezz tajjeb biex jitrawmu azzjonijiet konkreti u viżibbli favur l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-trasport. Fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Ottubru 2016, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans iddikjara li “din il-pjattaforma tista’ titnieda matul it-tieni nofs tal-2017 f’avveniment konġunt bejn il-KESE u l-Kummissjoni”.

3.   Pjattaforma għall-Bidla

3.1.

Il-Kummissjoni tal-UE għandha ħafna għodod u attivitajiet għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-Pjattaforma għall-Bidla tista’ tkun marbuta ma’ azzjonijiet volontarji, konkreti u miżurabbli li jmexxu l-għanijiet tal-istabbiliment tagħha. Pjattaforma referenzjarja bħal din hija l-Pjattaforma tad-DĠ SANTE “Dieta, Attività Fiżika u Saħħa.

3.2.

Għalhekk, il-KESE jipproponi lid-DĠ MOVE Pjattaforma tal-Partijiet Ikkonċernati fil-livell tal-UE li kapaċi timplimenta impenji favur żieda fl-opportunitajiet ta’ xogħol għan-nisa u għall-ugwaljanza bejn is-sessi fis-settur tat-trasport, biex tinkludi aħjar lin-nisa u tiġġenera aktar tkabbir ekonomiku, soċjali u sostenibbli, fejn:

Il-Membri tagħha jaderixxu ma’ kriterji definiti għall-ħatra u l-kondotta;

L-azzjonijiet tagħha jkunu definiti skont l-għanijiet u l-kamp ta’ applikazzjoni stabbiliti mill-membri tal-Pjattaforma fil-bidu;

L-impenji jiġu mmonitorjati, evalwati u jsiru pubbliċi, biex b’hekk jinfirex l-iskambju tal-informazzjoni.

3.3.

Fl-istabbiliment ta’ din il-Pjattaforma l-KESE jissuġġerixxi lid-DĠ MOVE biex inizjalment jikkunsidra l-passi u l-elementi li ġejjin (li huma stabbiliti fid-dettall hawn taħt):

I.

Fażi I – Preparatorja – Jiġu identifikati l-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jiġu involuti fil-Pjattaforma u jibdew djalogu biex jiġu identifikati l-interess, l-objettivi ewlenin, it-termini ta’ referenza u l-kamp ta’ applikazzjoni.

II.

Fażi II – Żvilupp – Jiġu ddefiniti l-abbozzi għall-approvazzjoni mal-partijiet ikkonċernati: Karta tal-Involviment, Termini ta’ Referenza, Kamp ta’ Applikazzjoni u Objettivi. Barra minn hekk, jiġu identifikati skedi taż-żmien, fondi potenzjali, segretarjat u għodod ta’ appoġġ tal-IT.

III.

Fażi III – Implimentazzjoni – Jiġi organizzat avveniment inawgurali bil-parteċipazzjoni tal-Kummissarju li jieħu ħsieb il-Pjattaforma fejn il-membri jaqblu dwar definizzjonijiet, termini u kamp ta’ applikazzjoni u jagħmlu rakkomandazzjonijiet konkreti għal azzjonijiet. Jiġu diskussi objettivi SMART, indikaturi, komunikazzjoni sensittiva għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi, monitoraġġ, evalwazzjoni, pubblikazzjoni u tixrid.

IV.

Fażi IV – Sostenibbiltà – Jiġu definiti l-indikaturi, il-miri, ir-riżorsi kontinwi, ir-reviżjoni annwali u l-mekkaniżmi ta’ feedback. Jiġu identifikati modi biex ikun hemm kontinwazzjoni tal-impenji u l-involviment ta’ sħab addizzjonali.

4.   Ir-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE

4.1.

Flimkien mal-isforz tal-President Juncker għat-Tkabbir u l-Impjiegi, il-Presidenza Maltija għandha l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha. Il-Pjattaforma tista’ tipprovdi mekkaniżmu ta’ “valur miżjud tal-UE” għat-tfassil tal-politika tradizzjonali li jiffoka speċifikament fuq sfida unika tal-UE “Opportunitajiet permezz tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi fis-Settur tat-Trasport Ewropew”. Dan il-fokus immirat jinvolvi partijiet ikkonċernati rilevanti li altrimenti ma jkunux jistgħu jagħmlu konnessjoni mal-Kummissjoni tal-UE. Għalhekk, il-Pjattaforma tista’ tikkomplementa l-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE.

4.2.

Huwa ta’ importanza kbira li d-DĠ MOVE imexxi minn fuq u l-Kummissarju li jieħu ħsieb il-Pjattaforma jappoġġja l-funzjonament tagħha, pereżempju bil-preżenza personali fl-inawgurazzjoni tagħha u fil-laqgħat tal-Pjattaforma inġenerali. Il-membri tal-Pjattaforma, filwaqt li jwettqu l-impenji b’mod volontarju, se jirrikonoxxu għalhekk li huwa privileġġ li jintalbu jwettqu rwol bħal dan. Għalhekk, id-disponibbiltà u l-interazzjoni mat-tim anzjan tad-DĠ MOVE huma kruċjali. Bl-istess mod, huwa importanti li jekk l-istituzzjonijiet tal-UE jfittxu li jkunu membri tal-Pjattaforma, huma wkoll iridu jimpenjaw ruħhom li jipproponu azzjonijiet immirati.

4.3.

L-Istituzzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanti tal-Ministeri tat-Trasport (Stati Membri) għandhom rwol kruċjali fit-tixrid tas-sejbiet fil-livell ta’ Stat Membru. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda t-twaqqif ta’ Grupp ta’ Livell Għoli (HLG) li jipprovdi ħarsa ġenerali għall-gvernijiet u għal dawk li jfasslu l-politika tagħhom, joħloq mekkaniżmu għat-tixrid tal-aħjar prattika, isaħħaħ il-ħidma fi sħubija u jtejjeb il-kollegament bejn dawk li jfasslu l-politika u l-Pjattaforma. Meta dawn il-partijiet ikkonċernati jagħżlu li jiltaqgħu bħala membri tal-Pjattaforma wkoll, dawn jenħtieġ ukoll li jieħdu impenn biex iwettqu azzjonijiet konkreti.

4.4.

Il-KESE jqis id-DĠ MOVE bħala responsabbli għat-tħaddim tal-Pjattaforma. Id-DĠ MOVE jalloka l-baġits, is-segretarjat u xi riżorsi. Istituzzjonijiet oħrajn tal-UE jistgħu jipprovdu rakkomandazzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati tan-netwerks tagħhom u jistgħu wkoll jipprovdu kmamar tal-laqgħat u servizzi ta’ traduzzjoni u interpretazzjoni. L-għażliet alternattivi possibbli ta’ finanzjament jistgħu jkunu permezz tar-riżorsi tal-membri tal-Pjattaforma.

4.5.

Spiżi sinifikanti se jkunu l-għodda tal-komunikazzjoni ċentrali, il-paġna web u l-bażi ta’ data, inkluża l-manutenzjoni tagħhom. Diversi korpi tal-UE żviluppaw dawn ir-riżorsi tal-Internet u jinħass li d-DĠ MOVE jista’ jkun kapaċi jadatta mudell diġà fis-seħħ.

5.   Sħubija

5.1.

Il-Pjattaforma jenħtieġ li ma tkunx “ħanut tat-tpaċpiċ”; hija proċess imfassal biex il-partijiet ikkonċernati jiltaqgħu u jiddiskutu l-isfidi u l-opportunitajiet għan-nisa fis-settur tat-trasport, u mbagħad jimpenjaw ruħhom għal azzjonijiet verifikabbli. Li wieħed jifhem it-tip tal-parti ikkonċernata li għaliha jappartjenu l-membri se jgħin biex jiġi identifikat il-livell ta’ interess u influwenza potenzjali tagħhom. Dawk bl-akbar interess se jkunu dawk li huma direttament iffaċċjati mill-isfidi attwali tal-industrija.

5.2.

Is-sħubija fil-Pjattaforma tista’ tinkludi dawn il-partijiet ikkonċernati li ġejjin fil-livell Ewropew u nazzjonali: L-Industrija, l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, it-trejdjunjins (sħab soċjali) – inkluż organizzazzjonijiet rappreżentattivi tan-nisa speċjalizzati, amministrazzjonijiet pubbliċi inklużi dawk b’influwenza fuq ix-xiri u l-offerti jiġifieri: l-ERDB; l-NGOs inkluża l-organizzazzjoni umbrella tan-nisa li tiddefendi d-drittijiet u l-ugwaljanza tan-nisa, il-midja, il-gruppi ta’ riflessjoni, l-akkademiċi u l-istituti ta’ riċerka.

5.3.

Tista’ wkoll tingħata kunsiderazzjoni għall-inklużjoni okkażjonali ta’ 1) persuni involuti fid-disinn ta’ impenji li jistgħu ma jkunux Membri maħtura tal-Pjattaforma, 2) dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u li jinfluwenzaw, inklużi istituzzjonijiet tal-UE u rappreżentanti tal-Istati Membri/awtoritajiet pubbliċi.

5.4.

Is-Sħubija tal-Pjattaforma jenħtieġ li tkun b’xejn bi kriterji u Termini ta’ Referenza għas-Sħubija. Inizjalment mhuwa previst l-ebda rimborż għall-attivitajiet imwettqa mill-membri u lanqas għall-ispejjeż imġarrba għas-sħubija fil-Pjattaforma.

5.5.

Is-sħubija jenħtieġ li tkun irregolata abbażi ta’:

Parteċipazzjoni Inklużiva;

Trasparenza, Aċċess Miftuħ u Responsabbiltà;

Aċċettazzjoni tad-differenzi u r-rispett tal-proporzjonalità;

L-użu ta’ objettivi SMART biex titwassal il-koerenza.

6.   L-objettiv ewlieni u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Pjattaforma

6.1.

L-objettiv ġenerali ta’ din il-Pjattaforma jista’ jkun li żżid il-parteċipazzjoni tan-nisa u ttejjeb l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-settur tat-trasport billi jitjiebu l-opportunitajiet għan-nisa, għal kumpaniji proprjetà tan-nisa u għall-maniġers nisa, u billi jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għal kulħadd fi ħdan is-settur u l-impatt aħħari tagħhom fuq l-impjiegi, l-inklużività, l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u t-tkabbir. L-enfasi jenħtieġ li tkun fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, biex b’hekk jiġu promossi l-impjiegi u jiġu indirizzati l-lakuni fis-settur. Dan l-obbjettiv jista’ jinkiseb, inter alia, bit-titjib fil-kwalità tal-impjiegi u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol; billi jiġu indirizzati l-fastidju u l-vjolenza abbażi tas-sessi, bit-titjib fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u dik tal-familja, biż-żieda fin-numru ta’ nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u t-titjib fl-immaġni tas-settur biex jattira aktar ħaddiema, imprendituri, akkademiċi u innovaturi nisa. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Pjattaforma jista’ jiġi estiż aktar tard biex jiġu koperti kwistjonijiet relatati bħat-titjib tal-esperjenza tal-utent u l-enfasi fuq azzjonijiet li jindirizzaw lin-nisa bħala utenti.

6.2.

Il-KESE jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ politiki sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi u bbaġitjar sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi bħala għodda ewlenija biex jiġu indirizzati l-objettivi t’hawn fuq. Dan il-kunċett ġdid spiss jinftiehem ħażin: dan ma jfissirx żieda fl-infiq globali imma pjuttost jistabbilixxi prijoritajiet ġodda u jorjenta mill-ġdid l-ispejjeż fil-programmi, fid-dipartimenti u fis-servizzi. L-ibbaġitjar ibbażat fuq is-sessi jżid iċ-ċarezza u joħloq mekkaniżmi li jippermettu li approċċ globali u trasversali jippromwovi aktar ugwaljanza bejn is-sessi.

6.3.

Il-KESE jirrakkomanda li l-kamp ta’ applikazzjoni u l-prijoritajiet li se jiġu indirizzati jenħtieġ li jkunu f’konformità mal-politiki u l-leġislazzjoni tal-UE filwaqt li jirrispettaw id-djalogu mas-sħab soċjali. Il-Pjattaforma jenħtieġ li tikkombina l-approċċi minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq biex tappoġġja s-settur privat u l-politiki pubbliċi, filwaqt li tevita l-ħtieġa għal tibdil fil-leġislazzjoni. Il-Pjattaforma jenħtieġ li titqies minn kulħadd bħala investiment pożittiv u neċessarju.

6.4.

Il-KESE jenfasizza li l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati huma li:

Il-partijiet ikkonċernati jiġu pprovduti b’opportunitajiet biex jaqsmu l-opinjonijiet, il-ħtiġijiet u l-għarfien;

Jinstabu objettivi komuni biex jintlaħqu għanijiet komuni;

Il-parteċipanti jitħallew jinfluwenzaw ir-riżultati billi jiġu inklużi fil-proċessi tal-azzjonijiet tat-tfassil, tal-iżvilupp, tal-identifikazzjoni u tal-implimentazzjoni;

Jitjieb il-fehim bejn il-gruppi ta’ partijiet ikkonċernati, biex b’hekk jonqsu l-kunflitti potenzjali jew id-diverġenza fl-opinjonijiet, u tiġi promossal-kooperazzjoni effettiva;

Jinbena l-impenn tal-partijiet ikkonċernati u s-sens ta’ responsabbiltà u ta’ sjieda.

Tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-pjani u tad-deċiżjonijiet assoċjati;

L-awtonomija u l-flessibilità jiddaħħlu fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-implimentazzjoni.

6.5.

Il-KESE jqis li l-Pjattaforma tista’ tidentifika azzjonijiet ewlenin biex:

Tinġabar id-data u jiġu stabbiliti indikaturi ewlenin għall-identifikazzjoni u t-tneħħija tal-ostakoli u l-isterjotipi;

Jiġi żgurat li n-nisa jkunu viżibbli u attivi fil-politika, fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u fl-ippjanar – lil hinn mid-dmirijiet amministrattivi;

Jiġu impenjati b’mod proattiv iż-żewġ sessi fil-ħolqien ta’ ambjent tax-xogħol aħjar: faċilitajiet, pagi ugwali għal xogħol ugwali, taħriġ, rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol, il-ħajja privata u tal-familja, eċċ.;

Tittieħed azzjoni li tattira n-nisa lejn l-opportunitajiet ta’ xogħol b’miżuri li jtejbu kemm il-kwalità kif ukoll il-kwantità ta’ impjiegi, b’mod partikolari billi jiġu riveduti l-proċessi tar-reklutaġġ;

Jiġu riveduti ostakoli legali li jistgħu jipprevjenu n-nisa milli jkollhom aċċess għat-tipi kollha ta’ impjieg;

Involviment aħjar tal-universitajiet u s-servizzi tal-karriera biex jiġi promoss il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tas-settur, inklużi t-teknoloġija, ir-R&Ż u l-inġinerija, filwaqt li jiġu kkunsidrati wkoll dawk bl-inqas ħiliet biex jittejbu l-għażliet tat-taħriġ tagħhom;

Promozzjoni tar-rwol tan-nisa fin-negozju b’mod proattiv;

L-għoti ta’ setgħa lin-nisa, u settur li jkun aktar inklużiv;

Promozzjoni tal-enfasi fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tan-nisa tul il-ħajja;

Jiġu evitati l-vjolenza, il-fastidju u d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol.

6.6.

Hekk kif il-Pjattaforma tespandi tista’ tfittex li tiffoka fuq oqsma ewlenin li jistgħu ma jinvolvux lill-membri kollha. Id-diversità tas-settur tat-trasport tista’ twassal għal dan. Għalhekk jistgħu jiġu stabbiliti sottokumitati biex jiffokaw fuq oqsma ewlenin ta’ interess.

7.   Linji gwida għall-istabbiliment tal-prijoritajiet u l-iżgurar li l-azzjonijiet huma adatti għall-prijoritajiet identifikati

7.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-pjattaforma jista’ jitlesta’ biss mill-Membri tal-pjattaforma nnifishom. Il-partijiet ikkonċernati jistgħu jiġu bl-interessi personali tagħhom stess, għalhekk l-involviment tagħhom b’mod kollettiv bil-għan li jiġu indirizzati sfidi komuni jenħtieġ li dejjem jinżamm f’moħħ kulħadd. L-impenn għal azzjonijiet li jappoġġjaw u jixprunaw il-bidla huma responsabbiltà li tinkoraġġixxi lill-partijiet ikkonċernati jieħdu r-responsabbiltà għall-organizzazzjonijiet tagħhom u għall-Pjattaforma.

7.2.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-impenji jenħtieġ li jkunu ambizzjużi u jisfidaw l-istatus quo u jirrikjedu investiment tar-riżorsi proprji tal-membri. Il-komunikazzjoni ċara u t-trasparenza tal-azzjonijiet fuq il-paġna web mhux biss se ġġib ir-rikonoxximent tal-impenji imma wkoll l-iskrutinju mill-partijiet interessati. Għalhekk il-komunikazzjoni tajba u d-djalogu bejn il-membri tal-Pjattaforma huma ta’ importanza kbira biex jiżguraw l-involviment kontinwu u jevitaw spariġġ fl-aspettattivi. L-attivitajiet konġunti jenħtieġ li jiġu inkoraġġiti wkoll.

7.3.

Il-KESE jirrakkomanda li jistgħu jiġu stabbiliti wkoll miri u indikaturi biex jiġu approvati l-azzjonijiet tal-Pjattaforma. Dawn il-miri u l-indikaturi jenħtieġ li jgħinu fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni ta’ passi lejn l-opportunitajiet tal-impjegabbiltà, l-ugwaljanza u l-emanċipazzjoni tan-nisa inkluż kif l-irġiel u nisa jitqiegħdu fuq l-istess livell, irrispettivament mit-teknoloġiji użati. L-indikaturi tal-iżvilupp bħala għodda ta’ valutazzjoni, li jsaħħu l-impatt u l-integrazzjoni tar-riżultati f’rapport ta’ progress, jgħinu l-influwenza tal-ippjanar politiku u strateġiku permezz tal-immappjar tal-progress.

7.4.

Hija disponibbli data statistika ġenerali mill-Eurostat. Id-DĠ MOVE jista’ jaħdem mal-Eurostat u mal-Membri tal-Pjattaforma biex jittejjeb il-ġbir tad-data diżaggregata skont is-sess sabiex tingħata stampa aktar kompleta.

7.5.

Id-data, il-miri u l-indikaturi jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-ħsieb dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u dwar l-isterjotipi u d-diskriminazzjoni. Mingħajr l-ebda karattru normattiv, l-għan huwa li l-organizzazzjonijiet jiġu mħeġġa jittraduċu l-kwistjonijiet tal-ġeneru f’komunikazzjoni trasparenti u komprensibbli għall-organizzazzjonijiet tagħhom u għall-pubbliku, filwaqt li jippermettu l-analiżi interna tal-politiki u l-prattiki tagħhom stess.

7.6.

L-indikaturi tal-linja bażi jistgħu jiġu żviluppati fl-oqsma li ġejjin:

L-objettivi mmirati jistgħu jiġu stabbiliti mill-Pjattaforma biex jinkisbu għanijiet li jistgħu jintlaħqu;

Il-perċentwal ta’ nisa għal kull speċifikazzjoni ta’ impjieg inklużi n-nisa f’bordijiet, sidien, maniġers, membri fi ħdan trejdjunjins, amministrazzjoni, fil-qasam tekniku eċċ.;

Reviżjoni perjodika u rapportar dwar il-miżuri meħuda biex jiġi żgurat il-bilanċ bejn is-sessi fil-livelli tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

Politiki effettivi mmirati lejn il-pagi indaqs u t-tnaqqis progressiv tad-diskrepanza fil-pagi u fil-pensjoni bejn l-irġiel u n-nisa;

Politiki/miżuri adottati sabiex jitneħħew l-ostakoli kollha għal opportunitajiet indaqs u sabiex jiġi promoss ix-xogħol tan-nisa (għoti ta’ kura tat-tfal, rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol, il-ħajja privata u tal-familja, qafas trasparenti, eċċ.);

Baġit speċifikament allokat bħala appoġġ għall-opportunitajiet indaqs;

Reviżjoni perjodika tar-reklutaġġ – kundizzjonijiet, inklużi dawk ta’ aġenziji tar-reklutaġġ jew istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni – trasparenza, aċċessibbiltà, komunikazzjoni sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi;

L-iżvilupp ta’ indikaturi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, il-prevalenza u l-inċidenza ta’ vjolenza, fastidju u diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol;

Ħarsa ġenerali annwali lejn il-miri mqiegħda fil-Baġit Sensittiv għall-Kwistjonijiet Relatati mas-Sessi.

8.   Monitoraġġ u evalwazzjoni

8.1.

Il-KESE jipproponi li biex tissaħħaħ il-ħidma fi sħubija l-Membri jistgħu joħolqu impenji u azzjonijiet li jiddiskutuhom ma’ membri oħra tal-Pjattaforma qabel l-implimentazzjoni. Fi tmiem l-azzjoni jiġi prodott Rapport ta’ Monitoraġġ li jelenka l-attivitajiet, l-iskedi taż-żmien, id-data miksuba u s-sejbiet prinċipali sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu analizzati u evalwati mill-Pjattaforma. Dawn ir-reviżjonijiet jenħtieġ li jiġu ppreżentati b’mod oġġettiv u imparzjali, b’evidenza u valutazzjonijiet kwalitattivi, li jirriflettu r-rilevanza għall-objettivi tal-Pjattaforma. Għal din il-proposta jistgħu jintużaw konsulenti esterni, jekk jippermettu r-riżorsi, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Pjattaforma DĠ SANTE (ara r-Rapport Annwali ta’ Monitoraġġ 2016).

8.2.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Impenji jiġu mfassla sew fil-bidu u li jkunu rilevanti għall-objettivi stabbiliti. Il-membri jenħtieġ li jqisu l-impenji SMART, li għandhom preparazzjoni approfondita: skedi ta’ żmien, miri u għanijiet, għal rapportar effettiv, monitoraġġ faċli u komunikazzjoni mat-tlestija.

8.3.

L-impenji jkunu jirrikjedu xogħol u dedikazzjoni mill-membri, lil hinn mid-dmirijiet normali tagħhom. Dan l-investiment jenħtieġ li jkun valur miżjud għax-xogħol intern tagħhom, lil hinn mir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, u preżentabbli għad-dinja esterna bħala l-intenzjoni tagħhom biex jappoġġjaw titjib fil-bilanċ bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol. L-azzjonijiet tagħhom jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-oħrajn biex jiġu replikati.

8.4.

Ir-reviżjoni tal-attivitajiet tal-Pjattaforma jenħtieġ li toħloq żieda fin-netwerking u momentum biex jaħdmu flimkien biex jixprunaw l-objettivi. Għalhekk dan jgħin biex jiżdied in-numru ta’ impenji konġunti billi:

Tiżdied il-kollaborazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika, il-membri tal-Grupp ta’ Livell Għoli u tal-Pjattaforma u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, biex b’hekk jitrawmu sinerġiji għal relazzjonijiet u azzjonijiet fit-tul, li potenzjalment jiżviluppaw u jikkontribwixxu għal politiki ġodda jekk meħtieġ;

Jiżdiedu l-attivitajiet li jistgħu jiġu żviluppati b’mod anqas formali barra mill-istruttura tal-Pjattaforma, inkluż l-involviment ma’ dawk li jistgħu ma jissodisfawx il-kriterji għas-sħubija;

Tittejjeb il-viżibilità tas-settur u l-isforzi tiegħu biex iġib ugwaljanza akbar fih, b’kundizzjonijiet imtejba għal kulħadd;

Jinħolqu avvenimenti esterni biex jintwerew l-azzjonijiet u jiġu attirati impjegati, innovazzjonijiet jew kontribuzzjonijiet ġodda għat-trasport;

Jinsiltu tagħlimiet mit-titjib kontinwu bħala kollettiv u jiġu implimentati modi ġodda ta’ ħidma u ta’ promozzjoni tas-settur.

Brussell, is-26 ta’ April 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 383, 17.11.2015, p. 1


28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 246/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-diġitalizzazzjoni u l-mudelli tan-negozju innovattivi fis-settur finanzjarju Ewropew: l-impatt fuq l-impjieg u l-klijenti”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2017/C 246/02)

Relatur:TBL

Carlos TRIAS PINTO

Korelatur:TBL

Pierre GENDRE

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

22.9.2016

Bażi legali

L-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-CCMI

7.4.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

26.4.2017

Sessjoni plenarja Nru

525

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

150/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

F’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin is-settur bankarju u tal-assigurazzjoni qed ikomplu jinħolqu mill-ġdid bit-tekonoloġija, ir-regolazzjoni, u l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-konsumaturi li dejjem qed jinbidlu. Mudelli ġodda ta’ investimenti, tfaddil, assigurazzjoni, u trasferiment ta’ fondi qed jippermettu firxa mill-aktar wiesgħa ta’ nies biex jipparteċipaw fi proġetti ta’ daqsijiet differenti.

1.2

FinTechs u InsurTechs huma katalisti u ta’ spiss l-imsieħba ta’ istituzzjonijiet finanzjarji fil-modernizzazzjoni tas-servizzi tagħhom, f’li jġibu flimkien il-punti tajbin u l-punti dgħajfin u jiġġeneraw sinerġiji bejn xulxin. Fil-fehma tal-KESE, hemm potenzjal konsiderevoli li jinħoloq valur bit-trawwim ta’ ekosistema ta’ koopetizzjoni (1) innovattiva.

1.3

Żgur hemm bżonn li jinkisbu lura l-fiduċja u l-istabbiltà fis-settur finanzjarju, fejn il-ġestjoni tat-tranżizzjoni mit-teknoloġija l-qadima (is-sistema bankarja tradizzjonali) għas-sistema l-ġdida hija kruċjali. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob biex tiġi implimentata leġislazzjoni xierqa fil-kuntest tal-UE ta’ proċess ta’ integrazzjoni tal-Unjoni Bankarja u s-Suq Uniku Diġitali, li tippermetti t-tkabbir u l-innovazzjoni filwaqt li tiżgura l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-impjegati fl-industrija tal-finanzi.

1.4

Sabiex jinkiseb Suq Finanzjarju Uniku Ewropew tassew, il-politika tal-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja ambjent b’kundizzjonijiet ekwi f’termini ta’ innovazzjoni. Bħala prinċipju ġenerali, hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet analogi wesgħin f’termini ta’ regolamentazzjoni kif ukoll tad-drittijiet tal-konsumatur, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-obbligi ta’ superviżjoni kemm għall-industrija ta’ finanzjament tradizzjonali kif ukoll għall-kumpaniji FinTech, f’konformità mar-regola fejn attività ugwali tirrikjedi regolamentazzjoni ugwali u superviżjoni ugwali. B’mod partikolari:

1.4.1

Approċċ tar-regolamentazzjoni li jibbaża fuq ir-riskju għandu jkun konsistenti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-innovazzjoni, li jipprovdi qafas regolatorju proporzjonat u ssemplifikat kemm għall-operaturi diġà stabbiliti kif ukoll għall-parteċipanti ġodda biex jesperimentaw b’teknoloġiji u mudelli kummerċjali ġodda f’interazzjoni mar-regolaturi. Il-ħolqien ta’ qafas tal-UE għall-esperimentazzjoni, fejn ikun hemm ħidma mal-industrija u firxa usa’ ta’ partijiet interessati – inklużi r-rappreżentanti tal-konsumaturi u tal-ħaddiema – jipprovdi l-għodod għat-tħejjija biex tiġi appoġġjata l-innovazzjoni fil-firxa kollha tal-attivitajiet tagħha (“Sandbox” għal FinTech Innovation) (2).

1.4.2

Biex tqabbel il-kundizzjonijiet ma’ dawk ta’ partijiet terzi, huwa meħtieġ li wieħed iħares lejn it-trattament tas-software bħala assi intanġibbli, biex jiġi evitat li jitnaqqsu mill-kapital ta’ ekwità ewlieni l-investimenti kbar li l-entitajiet ibbażati fl-UE diġà jagħmlu fl-IT (isegwu l-eżempju tas-sistemi bankarji tal-Istati Uniti u tal-Isvizzera, jew is-settur tal-assigurazzjoni (3)).

1.4.3

Il-Kummissjoni Ewropea, l-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Istati Membri jridu jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ għal implimentazzjoni tad-Direttiva Riveduta tas-Servizzi tal-Pagamenti (PSD2) armonizzata u effettiva li tintroduċi rekwiżiti stretti ħafna tas-sigurtà għall-inizjazzjoni u l-ipproċessar tal-pagamenti elettroniċi u l-protezzjoni ta’ data finanzjarja tal-utenti, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-kumpaniji kbar ħafna tal-midja soċjali teknoloġika u dawk kummerċjali.

1.4.4

L-isfidi u r-riskji tal-konsumatur marbuta mad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji għandhom jiġu eżaminati mill-qrib mill-Pjan ta’ Azzjoni tas-Servizzi Finanzjarji (4) għall-Konsumatur u t-Taskforce Fintech, filwaqt li tkun garantita koordinazzjoni mill-qrib bejn DĠ JUST u DĠ FISMA, partikolarment fir-rigward ta’ kwistjonijiet marbuta mal-ħarsien tal-konsumaturi, pereżempju, li jiġi determinat liema tip ta’ data għandha tintuża biex tiġi vvalutata l-affidabbiltà kreditizja, kif jiġi żgurat il-fehim ta’ informazzjoni prekuntrattwali u kontrolli tal-identità effikaċi permezz ta’ proċess ta’ skrinjar.

1.4.5

Il-miżuri inklużi fl-emenda proposta għad-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD) għandhom jiġu immedjatament trasposti (5), partikolarment dawk li jindirizzaw riskji tal-finanzjament tat-terroriżmu marbuta ma’ muniti virtwali u r-riskji marbuta ma’ strumenti anonimi mħallsin minn qabel.

1.4.6

It-tisħiħ tal-finanzjament kollettiv u soluzzjonijiet oħra tal-ekonomija kollaborattiva billi jiġi esplorat il-potenzjal tat-twaqqif ta’ “tikketta ta’ kwalità” biex tinbena l-fiduċja mal-utenti sabiex jiġu żviluppati aħjar komunitajiet virtwali u tiġi ffaċilitata l-interazzjoni fost il-klijenti kooperattivi.

1.4.7

L-appoġġ għall-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ softwer ta’ sorsi miftuħin fis-settur finanzjarju sabiex tiżdied il-kompetizzjoni sana tas-suq, jitnaqqsu l-ispejjeż u jiġi evitat lock-in tal-bejjiegħa fis-settur.

1.4.8

Jeħtieġ li r-regolamenti ta’ self PtP jiġu indirizzati fl-istess ħin biex jitħeġġu karti tal-bilanċ iżgħar.

1.4.9

Jeħtieġ li s-self ibridu (immexxi mir-rekwiżiti ta’ kapital Basel 3) jiġi sostnut mill-Kummissjoni Ewropea.

1.5

Il-KESE jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni m’għandha qatt tieħu post parir personalizzat tajjeb minn konsulent kwalifikat uman (il-prossimità fil-qasam bankarju bl-għajnuna ta’ netwerk ta’ aġenziji adattati m’għandhiex tisparixxi!).

1.6

Il-fehim dwar FinTech jirrikjedi ħiliet ġodda minn kulħadd: regolaturi, superviżuri, partijiet interessati tal-ekosistema finanzjarja u l-popolazzjoni kollha kemm hi. Sabiex jittieħed vantaġġ minn xi wieħed mill-benefiċċji potenzjali ewlenin ta’ FinTech bħala mutur tal-inklużjoni finanzjarja, l-Istati Membri tal-UE jridu jsaħħu l-edukazzjoni finanzjarja u l-litteriżmu diġitali, filwaqt li jantiċipaw xenarji ġodda. Dan għandu jibda fl-iskejjel, u għandu jinkorpora informazzjoni dwar il-prodotti finanzjarji fil-kuntest ta’ kif dawn jiġu ppreżentati onlajn u r-relazzjoni tagħhom mal-iżvilupp tal-Internet tal-Oġġetti.

1.7

Id-diġitalizzazzjoni fis-settur finanzjarju jhedded ħafna impjiegi, u dan qed iġiegħel lill-impjegati biex jaġġornaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom. Il-KESE huwa favur li jiġi żgurat li t-taħriġ ta’ ħiliet u aktar edukazzjoni iseħħu f’żewġ livelli. Internament billi l-impjegati jkunu permessi jwettqu kompiti ġodda u joħolqu transizzjoni bejn l-impjegati finanzjarji attwali “minn istituzzjonijiet tradizzjonali” u kumpaniji FinTech/InsurTech, u esternament billi l-impjegati li ma jistgħux jibqgħu f’dan is-settur jitħejjew għal impjiegi f’setturi oħra.

1.8

Il-KESE jistieden il-Fond Soċjali Ewropew biex jipprovdi programmi ta’ taħriġ speċifiċi fi ħdan l-inizjattiva ewlenija “Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali” (6), biex jiġu appoġġati t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol tas-settur finanzjarju sabiex jitħejjew għal teknoloġiji diġitali ġodda.

1.9

Il-KESE jappella lill-intrapriżi biex jirriproduċu kodiċi ta’ kondotta u l-aħjar prattiki dwar ir-regoli interni billi jiġu limitati r-rekwiżiti għal impjegati li jkunu onlajn kull ħin tal-ġurnata u joħorġu linji gwida li jiskoraġġixxu lill-impjegati milli jaħdmu fi tmiem il-ġimgħa u fil-vaganzi. Jekk approċċi volontarji ma jaħdmux, il-KESE jappella għal regoli vinkolanti f’dan ir-rigward.

1.10

Informazzjoni u konsultazzjoni fil-ħin, b’konformità mad-Direttivi rilevanti tal-UE dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati huma ċ-ċavetta biex jintlaqgħu dawn l-isfidi kollha. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli u, b’mod partikolari, mad-drittijiet tar-rappreżentanti tal-impjegati biex ikunu involuti f’bidliet bejn kumpanija u oħra.

1.11

Il-KESE jitlob li l-proposta għal Direttiva dwar ir-ristrutturar preventiv u dwar it-tieni opportunità tissaħħaħ u titlesta, peress li din se tgħin biex jinkiseb aċċess għal proċeduri ta’ ristrutturar qabel tiġi kkonstatata kwalunkwe insolvenza ta’ negozju.

2.   Settur konċentrat u diversifikat li għaddej minn trasformazzjoni rapida

2.1

Is-settur bankarju u dak tal-assigurazzjoni fl-Ewropa huwa immarkat bil-preżenza ta’ istituzzjonijiet Ewropej kbar u anki globali kif ukoll strutturi lokali u reġjonali bi gradi differenti ta’ indipendenza, u ċerti karatteristiċi speċifiċi għal pajjiżi individwali. Minkejja proċess ta’ konċentrazzjoni f’ħafna mill-Istati Membri, xorta huwa frammentat fil-livell Ewropew. Il-linji diviżorji antiki bejn gruppi bankarji u kumpaniji tal-assigurazzjoni kbar tista' tgħid sparixxew għal kollox minħabba l-istabbiliment ta’ konglomerati finanzjarji de facto.

2.2

Fix-xena l-ġdida ta’ swieq instabbli u rati baxxi tal-imgħax, il-pressjoni regolatorja, superviżjoni u sorveljanza b’saħħithom – imposti fuq is-sistema bankarja wara l-kriżi finanzjarja – flimkien ma’ trasformazzjoni diġitali u kompetizzjoni miżjuda (kumpaniji FinTech ġodda) kif ukoll tendenzi ġodda fil-konsum, qed ikomplu jitnaqqsu r-riżultati tas-settur bankarju. Bil-wasla ta’ mudelli ġodda mhux bankarji fl-ekonomija diġitali jeħtieġ li tiġi analizzata l-interazzjoni ta' erba’ elementi: il-banek tradizzjonali, l-atturi diġitali l-ġodda, l-awtoritajiet regolatorji u l-konsumaturi.

2.3

Hekk kif l-użu tal-internet ikompli jiżdied, il-banek qed jiżviluppaw sussidjarji onlajn u aġenziji virtwali li permezz tagħhom il-konsumaturi jistgħu jwettqu tranżazzjonijiet sempliċi u jikkuntattjaw konsulent. L-istrateġiji tal-kumpaniji immirati lejn it-tnaqqis radikali ta’ investiment fir-riżorsi umani kif ukoll id-deterjorament fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-klijenti wasslu għal inqas nies li jżuru l-fergħat tal-banek u bosta fergħat madwar l-Ewropa qed jagħlqu.

2.4

Fis-settur tal-assigurazzjoni, jikkoeżistu diversi modi ta’ distribuzzjoni: produtturi mħallsin, sensara, aġenti ġenerali, bankassigurazzjoni kif ukoll aġenti li jaħdmu għal rashom li jaġixxu għal kumpanija waħda. L-assigurazzjoni issa qed tinbiegħ onlajn u permezz ta’ smartphones. Il-predominanza ta’ kull wieħed minn dawn in-netwerks multikanali ta’ distribuzzjoni tvarja madwar l-Istati Membri tal-UE u minn prodott għall-ieħor. L-assigurazzjoni fuq il-ħajja, pereżempju, hija prinċipalment imqassma permezz ta’ netwerks ta’ banek (magħrufa bħala bankassigurazzjoni).

2.5

Il-metodi ta’ ħlas qed jevolvu kontinwament, u dan huwa mistenni li jiġi intensifikat. L-użu ta’ ċekkijiet u flus kontanti naqas b’mod sostanzjali sa mill-bidu tas-snin disgħin. Fl-istess ħin, kien hemm tendenza dejjem tiżdied lejn li jsir ħlas permezz ta’ kard, debitu dirett u ta’ trasferiment bankarju li jiżgura aktar traċċabilità, kontroll u sigurtà, u jfixkel l-ekonomija informali. Il-pagamenti elettroniċi għandhom il-kapaċità li jestendu aktar il-kamp ta’ applikazzjoni, jiġifieri għal trasferimenti ta’ flus bejn l-individwi u l-pagamenti tal-benefiċċji soċjali. Atturi ġodda ta’ flus elettroniku qed jingħaqdu mal-kummerċ elettroniku, filwaqt li teknoloġiji ġodda bħall-ħlasijiet mingħajr kuntatt qed jevolvu u qed jiżdiedu flimkien ma’ kards tal-bank. Barra minn hekk, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi segwit l-iżvilupp tas-swieq ta’ muniti kriptografiċi (bitcoin u oħrajn).

3.   L-avvanzi teknoloġiċi fis-settur finanzjarju Ewropew u atturi ġodda

3.1

L-innovazzjoni fis-settur finanzjarju qed isseħħ fuq l-internet, bis-servizzi bankarji online, il-big data, l-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain, iċ-ċibersigurtà, eċċ. Id-data tiġi skambjata b’veloċità għolja, li tippermetti li jitwettqu valutazzjonijiet tar-riskju u teħid ta’ deċiżjonijiet finanzjarji abbażi ta’ algoritmi u big data.

3.2

Dan ix-xkiel teknoloġiku u d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-banek tradizzjonali fir-rigward ta’ problemi ta’ ekwità u ta’ nixfa temporanja tal-likwidità kif ukoll l-iżvilupp ta’ mezzi alternattivi ta’ kanali ta’ bejgħ li ma jkunux koperti minn obbligu regolatorju għall-industrija bankarja wittew it-triq għal FinTech, InsurTech, u blockchain, u fl-istess ħin fetħu opportunitajiet ġodda u ħolqu riskji ġodda għall-konsumaturi.

3.3

Il-kumpaniji FinTech u InsurTech, li jkomplu jiżdiedu fin-numru, jgħaqqdu l-kunċetti ta’ finanzi, assigurazzjoni u teknoloġija. Dawn il-kumpaniji qed jużaw it-teknoloġija biex ibigħu prodotti finanzjarji f’modi innovattivi. Qegħdin jikbru b’mod partikolari fl-oqsma ta’ ġestjoni ta’ tfaddil, self personali, finanzjament korporattiv u pagamenti onlajn. Qed ikollhom rwol dejjem akbar ta’ finanzjament parteċipattiv (crowdfunding u P2P), permezz ta’ pjattaformi dedikati u l-użu ta’ applikazzjonijiet għall-apparati mobbli, muniti virtwali u ħlas elettroniku permezz tal-internet jew smartphones. Huma jeżerċitaw pressjoni konsiderevoli fuq il-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni billi jikkompetu fit-territorju tradizzjonali tagħhom. L-akbar kumpaniji tal-internet, b’mod partikolari “GAFA” (Google, Apple, Facebook, Amazon) qegħdin jiżviluppaw ukoll proġetti marbuta mas-settur finanzjarju minħabba l-kontroll tagħhom fuq il-big data.

3.4

L-applikazzjonijiet abbażi tat-teknoloġija tar-reġistru distribwit (DLT) jistgħu fil-fatt ikollhom il-kapaċità li jwettqu dat-tip ġdid ta’ fiduċja għal firxa wiesgħa ta’ servizzi. Il-blockchain topera mingħajr kontroll ċentrali, b’mod trasparenti u b’mod sikur. Kemm il-kumpaniji kif ukoll l-individwi jistgħu jużaw din is-sistema biex iwettqu ċerti tranżazzjonijiet u jaqbżu s-settur finanzjarju, b’mod partikolari billi jużaw muniti kriptografiċi.

Bl-istess mod, PayPal joffri l-possibbiltà li jkun hemm ħlas għal oġġetti f’munita barranija mingħajr ma wieħed ikollu għalfejn jipprovdi d-dettalji tal-bank.

3.5

FinTech qed jippermetti lill-kumpaniji u lill-individwi biex ikollhom aċċess għal finanzjament kollettiv għal proġetti speċifiċi, billi juża pjattaformi dedikati biex jiġbor fondi f’forma ta’ donazzjonijiet jew għotjiet ta’ self jew investiment ta’ ekwità. Dawn il-pjattaformi jippermettu self bejn il-pari, inkluż self tal-konsumatur u self personali, mingħajr ma jkollhom jgħaddu mill-banek, u jippermettu lil individwi privati biex jiffinanzjaw direttament il-VSEs u l-SMEs. Pjattaformi jistgħu jissupplimentaw jew jippromovu l-kapital, partikolarment għal negozji innovattivi, u permezz tal-applikazzjonijiet mobbli tagħhom, jagħtu lill-konsumaturi, f’ħin reali, l-informazzjoni finanzjarja li jeħtieġu biex jamministraw l-infiq tagħhom jew l-għażliet ta’ investiment.

3.6

Dawn l-atturi ġodda qegħdin jikkompetu ma’ mudelli ta’ negozju tradizzjonali ta’ servizzi bankarji u ta’ assigurazzjoni, iżda kemm il-banek kif ukoll il-kumpaniji tal-assigurazzjoni qed jibdew jeżistu flimkien. Xi wħud diġà bdew proċess ta’ kooperazzjoni ma’ FinTech u InsurTech, filwaqt li oħrajn għandhom l-istrutturi sussidjarji tagħhom stess. Barra minn hekk, l-investiment fil-FinTech żdied b’mod rapidu f’dawn l-aħħar snin, u dan l-imgħax infirex għal InsurTech.

4.   Il-klijenti huma r-rebbieħa hawnhekk?

4.1

Għall-kumpaniji l-kbar, dan l-aġġustament tad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji jinvolvi bidliet li huma jkunu kapaċi jinkludu fil-ġestjoni kwotidjana tagħhom. Iżda s-sitwazzjoni hija differenti għal ħafna SMEs tradizzjonali u speċjalment għal kumpaniji żgħar ħafna, li ma jkollhomx għarfien u riżorsi interni li jippermettulhom jagħmlu parti faċilment f’dinja finanzjarja li qed tinbidel b’mod rapidu.

4.2

Fl-era tal-internet u l-ismartphone, il-profili tal-konsumaturi ma għadhomx l-istess, iżda l-aptit tagħhom għal sistema bankarja u tal-assigurazzjoni diġitali jiddependi minn diversi fatturi bħall-età, il-livell tal-edukazzjoni u x-xogħol. Iżda meta niġu għal pariri finanzjarji, għad hemm ħtieġa għall-kuntatt uman fuq il-bażi tal-esperjenza tal-klijent, inkluż fost iż-żgħażagħ.

4.3

Fergħat virtwali, sussidjarji onlajn ta’ gruppi bankarji u tal-assigurazzjoni, qed joffru lill-konsumaturi aċċess għal kreditu, self u assigurazzjoni fuq l-internet u fuq smartphones, billi jużaw applikazzjonijiet ġodda. Dawn il-ftehimiet jiġu b’termini aktar favorevoli: kard tal-bank b’xejn, rati tal-imgħax issussidjati, bonus ta’ ftuħ ta’ kont, u skont ta’ diversi xhur ta’ kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni u l-mutwalitajiet. Dawn il-benefiċċji għall-konsumatur jiffurmaw parti mill-perjodu ta’ transizzjoni bejn il-mudell kummerċjali tradizzjonali tal-banek, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-impriżi mutwi, u l-mudell li qiegħed jirriżulta mid-diġitizzazzjoni.

4.4

Dan ix-xenarju ġdid jippreżenta kemm riskji kif ukoll opportunitajiet għall-konsumaturi:

Aċċess aktar faċli għal prodotti, aktar għażla, għażla aħjar, possibilitajiet għal tqabbil tal-prezzijiet permezz ta’ websajts, aktar offerti mfasslin apposta, personalizzati, tnaqqis tal-ispejjeż tat-tranżazzjoni (ħin u flus) u t-tisħiħ tas-sigurtà permezz ta’ sistemi ta’ awtentikazzjoni bijometriċi ġodda.

Prodotti ġodda utli (pereżempju finanzjament kollettiv (crowdfunding)) iżda wkoll il-ħolqien ta’ prodotti ġodda, li huma kumplessi, opaki u riskjużi u li mhux faċli li wieħed jifhem: eż. self instantanju.

L-isfidi possibbli fl-għoti ta’ tagħrif prekuntrattwali/żvelar permezz ta’ kanali ta’ bejgħ ġodda: eż. smartphones minħabba d-daqs żgħir tagħhom.

Informazzjoni insuffiċjenti dwar ir-riskji assoċjati ma’ prodotti finanzjarji.

Hemm nuqqas ta’ superviżjoni/infurzar tal-attivitajiet ta’ atturi ġodda fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

F’uħud mill-każijiet, inċertezza legali rigward liema leġislazzjoni tapplika għal atturi ġodda.

Oqsma mhux regolati (eż. pariri awtomatizzati).

Diskriminazzjoni mhux iġġustifikata/esklużjoni possibbli marbuta mal-użu ta’ ammont kbir ta’ data u n-nuqqas ta’ ħiliet diġitali.

Ċibersigurtà.

4.5

Id-diġitizzazzjoni għandha tagħmel it-tixrid ta’ prodotti finanzjarji aktar trasparenti, iżda s-semplifikazzjoni kif tidher tal-prodotti offerti tista’ taħbi nuqqas ta’ bilanċ fir-relazzjoni finanzjarja ġenerali. L-użu ta’ algoritmi ma jiggarantix in-nuqqas ta’ nuqqasijiet moħbija u lanqas il-konformità tal-prodotti ma’ standards Ewropej. L-edukazzjoni finanzjarja għandha għalhekk tinkorpora informazzjoni dwar il-prodotti finanzjarji fil-kuntest ta’ kif dawn jiġu ppreżentati onlajn.

5.   Sorsi oħra ta’ finanzjament u l-post ta’ finanzjament etiku u responsabbli

5.1

Id-dipendenza għolja attwali tan-negozju fuq il-finanzjament bankarju (aktar minn 75 % fl-Ewropa, meta mqabbla ma’ 20 % fl-Istati Uniti) u n-nuqqas ta’ kultura ta’ ekwità fl-Ewropa, jagħmlu l-SMEs (aktar minn 98 % tal-intrapriżi kollha fl-Ewropa, li jimpjegaw 2 minn kull 3 impjegati u joħolqu 58 % tal-valur miżjud) potenzjalment vulnerabbli għar-riskju ta’ nuqqas ta’ kreditu bħal dawk li seħħew matul is-snin tal-kriżi finanzjarja globali. B’hekk, għandhom jiġu esplorati metodi ta’ finanzjament mhux bankarju komplementari, u r-riskji li dawn jinvolvu, b’mod partikolari fil-każ ta’ kriżi.

5.2

Meta jiġu ffinanzjati l-SMEs, hemm numru ta’ sorsi alternattivi li jgħinu biex itejbu l-iżvilupp tan-negozju u jnaqqsu r-riskji, minbarra l-għajnuna minn fondi Ewropej biex tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u lill-kompetittività tal-intrapriżi billi jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ finanzjament normali, kif previst fil-Komunikazzjoni tal-Pjan Juncker.

5.3

Għandu jkun hemm it-tisħiħ tal-mudell ta’ bank soċjalment responsabbli, trasparenti u sostenibbli kif ukoll ta’ sistema finanzjarja msejsa fl-ekonomija reali, li tipprovdi l-istabilità kif ukoll il-koeżjoni soċjali u territorjali. Il-banek sostenibbli jħaddnu approċċ intenzjonali għal negozju bil-prinċipju fundamentali triplu (li jinkludi miżuri ta’ prestazzjoni finanzjarji, soċjali u ambjentali bl-għan li jiffinanzjaw proġetti mingħajr esternalitajiet negattivi) billi jiffokaw fuq it-twaqqif ta’ relazzjonijiet sodi mal-klijenti tagħhom u mal-komunità estiża tal-partijiet interessati.

5.4

Il-banek u l-kooperattivi tal-assigurazzjoni u s-soċjetajiet mutwi ilhom jiffukaw fuq il-mudell tagħhom li joħloq valur għall-partijiet interessati kollha – il-mudell tal-“valur tal-partijiet interessati” – fl-iżvilupp tan-negozji tagħhom. Madankollu, huma adottaw ukoll il-prattiki tal-istituzzjonijiet kummerċjali konvenzjonali u ma rnexxielhomx jaħarbu d-diffikultajiet li rriżultaw mill-kriżi finanzjarja. Għalissa, id-diġitalizzazzjoni ma tidhirx li hija xprun ewlieni għal ritorn lejn prattiki aktar etiċi tan-negozju, li jwieġbu għall-bżonnijiet reali tas-soċjetà.

6.   L-impatt fuq il-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol

6.1

Skont Bloomberg, il-banek naqqsu madwar 600 000 impjieg madwar id-dinja minħabba l-kriżi ekonomika tal-2008. Dan it-tnaqqis enormi fil-persunal ġej prinċipalment minħabba l-kriżi iżda rriżulta wkoll mill-proċess ta’ diġitizzazzjoni.

6.2

Fl-Ewropa, il-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni huma stmati li jammontaw għal kważi erba’ miljun impjieg, li minnhom tliet miljun huma fis-servizzi bankarji u kważi miljun fl-assigurazzjoni. Citigroup qed jipproġetta li s-settur bankarju se jnaqqas madwar 1,8 miljun impjieg fl-Ewropa u fl-Istati Uniti matul l-għaxar snin li ġejjin. Il-banek tal-Ewropa, li jimpjegaw kważi 2,9 miljun impjegat fuq bażi ekwivalenti għal full time, se jżommu biss 1,82 miljun fl-2025. Din it-tendenza hija ċċarata ħafna mit-tnaqqis fl-impjiegi li tħabbar dan l-aħħar minn diversi gruppi bankarji ewlenin Ewropej. F’għadd ta’ pajjiżi jistgħu jiġu osservati tendenza ta’ impjieg part-time u forom oħra ta’ impjieg fl-industrija tal-finanzi.

6.3

Hemm bżonn ta’ miżuri ta’ Politika tas-Suq tax-Xogħol Attiva sabiex jiġu indirizzati l-bidliet li għaddejjin bħalissa u li ġejjin għall-impjegati kkonċernati. L-imsieħba soċjali fil-livelli kollha għandhom rwol kruċjali sabiex jinstabu soluzzjonijiet xierqa. Eżempju tal-aħjar prattika f’dan ir-rigward huwa l-fond ġenerali għal taħriġ mill-ġdid tal-impjegati tal-banek kollha affettwati fl-Awstrija, stabbilit permezz ta’ negozjar kollettiv fil-livell settorjali u ffinanzjat kemm mill-industrija kif ukoll mill-pubbliku.

6.4

L-erożjoni kontinwa tan-netwerk tal-fergħat tal-bank kienet akkumpanjata b’taqliba tal-kunċett tal-fergħa skont in-natura tal-klijenti kkonċernati. Qabel l-għeluq tal-fergħat, l-għadd tal-persunal kien naqas minħabba l-awtomazzjoni ta’ transazzjonijiet. Fl-assigurazzjoni, in-netwerk tal-aġenti u s-sensara ġenerali huwa b’saħħtu minkejja tendenza ċara lejn tnaqqis fid-daqs. Il-produtturi bis-salarju se jonqsu.

6.5

Fis-swali tal-kummerċ, il-bejgħ u x-xiri ta’ ishma ta’ kumpaniji, is-swaps ta’ muniti u ta’ inadempjenza tal-kreditu (derivattivi finanzjarji li fihom il-bejjiegħ jikkompensa x-xerrej fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas minn parti terza) qegħdin kull ma jmur jiġu mwettqa minn kompjuters.

6.6

Derivata mill-big data, il-pjattaforma konjittiva, ittestjata minn grupp bankarju importanti, hija kapaċi twieġeb id-domandi magħmula f’lingwaġġ naturali f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, u tipproponi tweġibiet ppakkjati minn qabel lill-klijenti konsulenti. Din it-teknoloġija tista’ tintuża bħala assistent virtwali kemm fis-sistema bankarja kif ukoll fl-assigurazzjoni. Il-forza tal-bejgħ tista’ tkun fost l-ewwel li tiġi milquta minn tali miżura.

6.7

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol saru instabbli u r-rekwiżiti ta’ taħriġ żdiedu b’mod sinifikanti, kemm biex il-ħaddiema jiksbu l-ħiliet diġitali meħtieġa kif ukoll biex dawn ikunu jistgħu jibdlu l-impjieg jekk tfeġġ il-ħtieġa għall-mobilità professjonali.

6.8

Peress li l-iżviluppi diġitali se jirrikjedu bidla enormi fl-għodod, il-ħiliet u l-kompetenzi li l-impjegati jeħtieġu, il-kumpaniji għandhom ikunu lesti li jinvestu fl-iżvilupp kontinwu tal-ħiliet u l-kwalifiki. In-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali għandu jiffoka fuq l-importanza li t-taħriġ vokazzjonali jiġi aġġustat għall-ħtiġijiet tal-ġejjieni u biex dan it-taħriġ ikun possibbli, kif ukoll jiġu pprovdut dettalji dwar kif it-teknoloġija l-ġdida diġà qed tintuża f’dan is-settur. Għandu jiġi eżaminat każ b’każ liema ħiliet huma meħtieġa għal finanzjament attwali biex l-impjegati jibqgħu rilevanti fil-ġejjieni u kif dawn il-ħiliet jistgħu jiġu mgħallma.

6.9

Hemm dejjem aktar tħassib dwar is-sigħat tax-xogħol b’konnessjoni mat-tnedija ta’ ħidma onlajn u l-ħafna impjiegi li diġà qed jonqsu. Huwa diġà ċar li aktar attivitajiet finanzjarji se jiġu rilokati fi ħdan l-UE u barra mill-Ewropa lejn pajjiżi bi spejjeż baxxi ta’ xogħol u livelli baxxi ta’ protezzjoni soċjali.

6.10

Huwa importanti li s-soluzzjonijiet diġitali dejjem iservu lin-nies u jgħinu biex jitjiebu l-istandards soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Djalogu soċjali settorjali jeħtieġ li jiġi intensifikat fil-livelli kollha, inkluż fil-livell Ewropew biex jiġu identifikati l-aħjar soluzzjonijiet u b’hekk jiġi evitat taqlib soċjali. F’livell settorjali u f’kull kumpanija, min iħaddem għandu jagħmel ħiltu biex jidħol f’negozjati ma’ rappreżentanti tat-trejdjunjins biex jiżgura li jittieħdu miżuri effettivi f’termini ta’ dħul, kundizzjonijiet tax-xogħol, protezzjoni soċjali, taħriġ u appoġġ għal mobbiltà interna ġeografika u okkupazzjonali, u r-rikollokament. Dawn il-miżuri għandhom jidħlu fis-seħħ mill-aktar fis possibbli fl-antiċipazzjoni tal-proċessi tar-ristrutturazzjoni, mhux biss meta l-impjiegi jibdew jintilfu.

6.11

Id-diġitizzazzjoni kkontrollata tas-settur finanzjarju għandha żżomm impjiegi ta’ kwalità u ttejjeb ir-relazzjonijiet mal-klijenti, filwaqt li żżomm biżżejjed aċċess għal pariri finanzjarji personalizzati. Għandha tiżgura sigurtà effettiva tat-tranżazzjonijiet u protezzjoni effiċjenti tad-data personali kemm għall-klijenti kif ukoll għall-ħaddiema. L-impjegati u l-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji għandhom ikunu involuti, permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, sabiex l-għarfien prattiku tagħhom fil-qasam ikun jista’ jiġi kkunsidrat.

7.   Ir-Regolazzjoni u s-superviżjoni

7.1

Il-kumplessità dejjem tikber tal-prodotti finanzjarji u l-ħeffa li biha tiġi trattata d-data – flimkien ma’ servizzi awtomatizzati u anonimi ta’ kummerċjalizzazzjoni, konsulenza u għoti ta’ pariri – joħolqu sitwazzjonijiet ta’ riskju għoli li spiss ma jistgħux jiġu ġġudikati jew ikkontrollati minn sid il-fondi mqiegħda jew investiti. Il-KESE josserva bi tħassib l-inadegwatezza ta’ mudelli ta’ riskju u l-kapaċità tagħhom biex jivvalutaw kif xieraq il-profili tar-riskju ta’ kategoriji differenti ta’ investimenti mhux garantiti.

7.2

Skont il-gvernatur tal-Bank ta’ Franza, il-ħolqien ta’ finanzjament diġitali għandu jseħħ id f’id ma’ regolamentazzjoni li trid tadatta ruħha sabiex ma tiġix imfixkla l-innovazzjoni u tkompli tiżgura livell għoli ta’ sigurtà tat-tranżazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur. Il-KESE jemmen li standards għoljin bl-istess mod iridu jkopru kemm il-finanzjament tradizzjonali tal-industrija kif ukoll il-kumpaniji FinTech/il-mudelli ta’ negozju ġodda.

7.3

Il-MiFID II hija waħda mill-inizjattivi regolatorji ewlenin li se tbiddel l-istruttura tas-suq u l-mudelli tan-negozju. Il-kumpaniji għandhom jamministraw ir-rekwiżiti regolatorji bħala opportunità strateġika.

7.4

Regolamenti ġodda dwar il-ħlasijiet diġitali (PSD2) għandhom l-għan li jżidu l-livelli ta’ sigurtà tat-transazzjonijiet onlajn bl-għan li jnaqqsu l-frodi attwali fil-kanal.

7.5

Direttiva ġdida tal-UE kontra l-ħasil tal-flus ser iddaħħal fis-seħħ rekwiżiti ġodda għall-ivverifikar ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, flimkien ma’ obbligi ġodda li jiġu rrapportati tranżazzjonijiet suspettużi u jinżammu r-rekords tal-pagamenti.

7.6

Il-qafas aġġornat ta’ Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi (ir-Regolament CPC) se jagħti aktar setgħat lill-awtoritajiet nazzjonali biex jinfurzaw il-liġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u se jtejjeb il-koordinament meħtieġ fost l-Istati Membri.

7.7

Bl-applikazzjoni tal-leġislazzjoni dwar is-Solvibbiltà II għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-arranġamenti Basel 3/CRD IV għall-banek, titqajjem il-mistoqsija dwar kif l-approċċ regolatorju supplimentari jista’ jqis ir-riskji mġarrba mill-membri ġodda għas-sistema finanzjarja u l-impatt tagħhom fuq dan is-settur kollu kemm hu.

7.8

Wara t-testijiet tal-istress imwettqa mill-Awtorità Bankarja Ewropea fl-2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposti li jirriflettu d-dibattitu li qed jitmexxa mill-Kumitat ta’ Basel dwar it-tisħiħ tar-rekwiżiti kapitali. L-istandards universali adottati għandhom ikunu proporzjonati għad-daqs u n-natura tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji ġodda. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħħar pakkett ta’ proposti tal-Kummissjoni (7).

7.9

Il-kriżi finanzjarja fissret negozju kbir għal fondi ta’ investiment dirett – sistema bankarja parallela – f’dawn l-aħħar snin. L-impatt tad-diġitizzazzjoni fuq dawn il-fondi m’għandux jiġġenera nuqqas regolatorju ta’ detriment għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

7.10

Minħabba n-nuqqas ta’ mudelli ta’ valutazzjoni tar-riskju tradizzjonali li mhumiex kapaċi jevalwaw sewwa mudelli ta’ finanzjament fuq bażi mhux kollaterali, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom jintensifikaw il-kuntatti mal-istart-ups tal-FinTech, fuq il-fehim li FinTech tirrikjedi ħiliet ġodda min-naħa tas-superviżuri.

Brussell, is-26 ta’ April 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Mhux biss kompetizzjoni, imma wkoll kollaborazzjoni u sħubija.

(2)  Il-Kummissjoni qed tikkunsidra liċenzja unika għall-UE kollha li tippermetti l-kumpaniji tat-teknoloġija fis-settur tas-servizzi finanzjarji biex joperaw madwar l-Ewropa u l-ħolqien ta’ suq pan-Ewropew “sandbox”, jew “qafas regolatorju speċjali, għall-Unjoni kollha.

(3)  Ara r-rekwiżiti ta’ Solvibbiltà II.

(4)  Imnedija fit-23 ta’ Marzu, COM (2017) 139 final, Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur u Konsultazzjoni Pubblika dwar Fintech.

(5)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 121.

(6)  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/digital-skills-jobs-coalitionbargaining and soc

(7)  Opinjoni tal-KESE (ECO/424) dwar Emenda għar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRR) biex jinkorpora modifiki għall-qafas ta’ Basel (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).


Glossarju ta’ termini

L-intelliġenza artifiċjali Magna li kapaċi titgħallem. “Roboadvisor” hija magna li kapaċi tagħti parir finanzjarju, u taħdem bl-istess mod bħall-moħħ uman.

Bankassigurazzjoni. Il-bejgħ ta’ prodotti tal-assigurazzjoni permezz tan-netwerks ta’ uffiċċji bankarji. Dan it-tip ta’ sħubija strateġika jgħaqqad in-netwerks flimkien u joħloq sinerġiji tan-negozju.

Big data. Il-ħażna u l-ipproċessar ta’ ħafna biċċiet ta’ data li hija trasmessa b’veloċità għolja. “Analytics” jirreferi għall-konverżjoni ta’ data f’informazzjoni permezz ta’ metodi ta’ statistika u matematika għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fis-settur finanzjarju.

Bigtech. Ġganti teknoloġiċi bħal Google, Apple, Facebook u Amazon (GAFA) li qegħdin jibdew jestendu b’mod konsiderevoli l-attività tagħhom b’mod konsiderevoli fis-settur bankarju.

Bitcoin. Munita virtwali f’fażi sperimentali li qiegħda tiġi aċċettata dejjem aktar fis-suq.

Blockchain. Pjattaforma teknoloġika li tappoġġja l-bitcoin. Għandha bażi tad-data effiċjenti ħafna, li tista’ tintuża fis-settur finanzjarju jew f’applikazzjonijiet multipli.

Cloud. Mudelli għall-provvista ta’ servizzi bbażati fuq l-internet.

Konnettività. B’riżultat tal-avvanzi teknoloġiċi, issa nistgħu nkunu konnessi kull ħin, kullimkien. Dan jippermetti lill-impjegati jaħdmu b’mod aktar flessibbli, għax jistgħu jaħdmu mid-dar jew post ieħor (teleħidma, ħidma intelliġenti) kif ukoll part-time. Iż-żgħażagħ diġà huma mdorrijin għal dan il-mod ta’ ħidma, u jista’ jintuża tajjeb il-valur li jkun hemm firxa ta’ għażliet.

Finanzjament parteċipattiv Il-finanzjament huwa pprovdut permezz ta’ pjattaformi tal-internet li jikkollegaw l-intraprendituri mal-investituri. Hemm pjattaformi li jobbligaw lill-intraprendituri joffru sehem min-negozju tagħhom bi skambju għal investiment (finanzjament kollettiv tal-ekwità).

Self kollettiv. Il-finanzjament permezz tal-internet għall-intraprendituri li jirċievu self minn grupp ta’ nies, li jrid jitħallas lura abbażi ta’ rata tal-imgħax fissa.

Esperjenza tal-konsumatur. L-iżvilupp ta’ għarfien dettaljat ta’ kull klijent individwalment, waqt li tiġi personalizzata l-esperjenza tagħhom fl-oqsma kollha ta’ interazzjoni mal-bank. In-netwerks soċjali u l-pjattaformi tal-internet huma elementi essenzjali.

Ċibersigurtà. Tkopri r-riskji ta’ attakki ċibernetiċi u s-serq tad-data, kif ukoll iżżid u tiggarantixxi l-fiduċja tal-konsumatur.

Diġitalizzazzjoni. Dan jikkonċerna t-teknoloġija kollha kemm hi (l-internet, it-teknoloġiji mobbli, il-big data, blockchains, l-intelliġenza artifiċjali, il-cloud computing, ir-robotika, iċ-ċibersigurtà) meta dan jiġi applikat għal mudelli ġodda tar-relazzjoni mal-klijenti u għall-ġestjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ banek u kumpaniji ta’ assigurazzjoni. It-teknoloġija hija mezz biex tinkiseb id-diġitalizzazzjoni milli għan fiha nnifisha.

Tfixkil. It-trasformazzjoni diġitali mhijiex possibbli mingħajr mudell organizzattiv u kulturali ġdid. L-innovazzjoni hija l-muftieħ għall-kompetittività f’dan il-proċess bankarju komprensiv. Il-bidla tibda min-nies.

Ibbankjar esponenzjali. Juża teknoloġiji esponenzjali (li tfaċċaw b’riżultat tar-rivoluzzjoni diġitali) sabiex iżid il-firxa u l-kwalità tas-servizzi finanzjarji kif ukoll biex inaqqas l-ispejjeż.

Fin Tech/Insur Tech. Negozji ġodda innovattivi, li joffru soluzzjonijiet ġodda għall-ibbankjar jew l-assigurazzjoni bi prezz baxx.

Self ibridu. Huwa taħlita ta’ self minn banek u klijenti bankarji privati. Dan jippermetti li l-banek iżommu aktar negozju mingħajr ma tiżdied b’mod sinifikanti l-karta tal-bilanċ tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jissodisfa l-klijenti tagħhom u investituri oħra.

Knowmad . Professjonisti ġodda li jħossu li l-kontribut tagħhom huwa l-għarfien tagħhom, u li għalhekk jagħtu prijorità lil-libertà li jiġġestixxu l-ħidma tagħhom u ħinhom.

Millennials. L-ewwel ġenerazzjoni ta’ “nativi diġitali”, dawk li twieldu bejn l-1980 u l-2000, u li ser jirrappreżentaw 75 % tal-forza tax-xogħol fl-2025. Tipikament, dawn ma jmorrux fil-fergħat tal-bank.

Multi-channelling . Taħlita effiċjenti tal-possibbiltà li jintużaw is-servizzi bankarji diġitali u s-servizzi personali. Il-klijent huwa l-fokus tan-negozju.

Neobanks . Dawn ma jeħtieġux liċenzja finanzjarja biex joperaw: li jagħmlu hu li jiżviluppaw softwer abbażi tal-infrastruttura ta’ bank eżistenti.

Metodi ta’ pagamenti. Xejra tal-kummerċ elettroniku, il-pagament b’terminali POS huwa l-aktar forma estensiva ta’ pagament permezz tal-mowbajl fid-dinja kollha. Din l-ekosistema tinkludi wkoll l-għażla PayPal u l-operaturi teknoloġiċi Samsung Pay, Apple Pay, eċċ. Servizzi ta’ pagament minn persuna għal persuna (P2P) huma alternattivi ġenwini għal dawk li jgħixu f’pajjiżi fejn is-sistema bankarja hija inqas żviluppata. Illum il-ġurnata, l-“apps” tas-servizzi bankarji bil-mowbajls huma fatt tal-ħajja.

RegTech. Teknoloġiji innovattivi li jintużaw biex tiġi ffaċilitata l-konformità regolatorja, u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż u r-riżorsi meħtieġa għal dawn il-kompiti. Ir-regolamentazzjoni u s-sorveljanza diġitali huma sfida għas-settur finanzjarju (għandhom jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi).

STEM . L-istudju tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika. Il-professjonijiet li attwalment huma l-aktar imfittxija huwa dawk relatati ma’ dawn is-setturi, u l-ħiliet diġitali huma vitali fis-setturi kollha. It-taħriġ huwa għalhekk prijorità.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

il-525 Sessjoni Plenarja tal-KESE fis-26 u s-27 ta' April 2017

28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 246/18


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika”

[COM(2017) 68 final — 2017/0024 (NLE)]

(2017/C 246/03)

Relatur ġenerali:

Mihai MANOLIU

Konsultazzjoni

Il-Kunsill, 21.3.2017

Bażi legali

L-Artikoli 187 u 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Deċiżjoni tal-Bureau

28.3.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

27.4.2017

Sessjoni plenarja Nru

525

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

160/0/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jaqbel mal-proposta għal emenda tar-Regolament inkwistjoni bil-għan li ttejjeb id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill u tissemplifikahom aktar favur l-objettivi tal-impriża komuni dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika. Il-proposta hija konsistenti mal-objettivi oriġinali u d-dispożizzjonijiet tal-politiki eżistenti.

1.2.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-impriża konġunta dwar l-industriji b’bażi bijoloġika tfittex li toħloq sinerġiji ma’ programmi relatati oħrajn tal-Unjoni, pereżempju, mal-politika ta’ koeżjoni, l-edukazzjoni, l-ambjent, l-SMEs, il-kompetittività, kif ukoll il-politika tal-iżvilupp rurali, billi jissaħħu fil-livell reġjonali u nazzjonali l-kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, fil-kuntest attwali ta’ politika u strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti.

1.3.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel skambji operazzjonali kostanti mal-konsorzju ta’ Industirji b’bażi bijoloġika, li jieħdu l-forma ta’ konsultazzjonijiet u diskussjonijiet dwar il-metodu tal-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-membri tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika. Din il-proposta għal emenda m’għandha ebda impatt addizzjonali għajr dak mistenni li jinkiseb mir-Regolament tal-Kunsill oriġinali nnifsu. L-emendi previsti huma ta’ natura teknika, b’tali mod li l-ebda valutazzjoni tal-impatt ma hija meħtieġa għall-inizjattiva għall-istudju.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta attwali tnaqqas il-piż amministrattiv tal-konsorzju tal-industriji b’bażi bijoloġika rigward ir-rwol tiegħu bħala intermedjarju bejn il-membri tal-konsorzju, li huma obbligati jagħtu kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-parteċipanti tal-proġetti. Il-konsorzju tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika jibqa’ fl-aħħar mill-aħħar responsabbli mill-forniment ta’ ċifri aggregati dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tiegħu.

1.5.

Il-KESE jilqa’ l-kjarifiki importanti magħmula fir-Regolament il-ġdid:

il-kontribuzzjonijiet finanzjarji ser ikunu jistgħu jingħataw b’żewġ modi differenti, billi jiġu ttrasferiti mill-konsorzju għall-impriża konġunta tal-industriji b’bażi bijoloġika (bħal qabel) u/jew direttament minn membru tal-konsorzju tal-industriji b’bażi bijoloġika għal benefiċjarju tal-proġett;

il-kategorija tal-partijiet li jistgħu jagħtu kontribuzzjoni finanzjarja (entitajiet kostitwenti tal-konsorzju ta’ industriji b’bażi bijoloġika) ser tiġi estiża;

l-impenn lejn l-għan finanzjarju globali ser jinżamm;

il-membri tal-konsorzju ta’ industriji b’bażi bijoloġika se jkunu awtorizzati jiddikjaraw il-kontribuzzjonijiet finanzjarji forniti minnhom fil-livell tal-proġett.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-kunċett ta’ industrija b’bażi bijoloġika huwa parti mill-qasam usa’ tal-bijoekonomija, definita bħala l-produzzjoni u l-estrazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi rinnovabbli u l-konverżjoni tagħhom fi prodotti mmanifatturati abbażi ta’ elementi bijoloġiċi, bħal ikel, għalf jew anke l-bijoenerġija. Tliet kwarti tar-raba’ fl-UE huwa użat għal dan l-għan u dan is-settur, li l-fatturat tiegħu jammonta għal EUR 2 000 biljun, jimpjega bejn 17 u 19-il miljun Ewropew. L-impriżi fis-settur tal-għarfien fi ħdan il-bijoekonomija għandhom fatturat ta’ EUR 57 biljun u jimpjegaw madwar 305 000 ruħ (2009).

2.2.

Fl-Ewropa, il-bijoekonomija tista’ trawwem l-iżvilupp, il-ħolqien ta’ valur miżjud kif ukoll impjiegi ġodda siguri u deċenti, tnaqqas sostanzjalment id-dipendenza fuq l-importazzjoni, tikkontribwixxi bl-aħjar mod għal użu razzjonali tar-riżorsi bijoloġiċi limitati iżda rinnovabbli, u tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-iżvilupp tal-kummerċ dinji.

2.3.

Sikwit ikun hemm kompetizzjoni f’livelli differenti, bejn id-diversi teknoloġiji u l-użi differenti tar-riżorsi bijoloġiċi. Din il-problema hija aggravata aktar minħabba d-disponibilità limitata ta’ dawn ir-riżorsi. Għalkemm il-bijoekonomija tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-objettiv ta’ tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra ġġenerati mill-emissjonijiet ta’ CO2, li se jkollu effett pożittiv fuq is-saħħa pubblika, madankollu għad hemm ukoll effett mhux mixtieq, li jwassal għal emissjonijiet addizzjonali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra li l-impatt tagħhom fuq l-ambjent ma jistax jiġi injorat.

2.4.

Il-qafas tal-politika Ewropea tal-bijoekonomija huwa maqsum bejn diversi politiki settorjali: agrikoltura, sajd, foresti, klima, ekonomija ċirkulari u riċerka, li huma oqsma ta’ attività koperti minn atti leġislattivi u politiki settorjali differenti (1).

2.5.

Madankollu, strateġija komprensiva dwar l-industriji b’bażi bijoloġika tnediet fl-2012 sabiex tkun żgurata l-koerenza politika, iżda jidher li għad hemm ċerti inkonsistenzi. L-UE tiżgura l-finanzjament tal-attivitajiet ta’ innovazzjoni fil-qasam tal-bijoekonomija permezz tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020” u permezz ta’ firxa ta’ strumenti oħrajn ta’ finanzjament. Il-KESE jqis li hemm bżonn li tiġi żgurata s-sostenibilità u politika koerenti f’dan il-qasam.

2.6.

Diversi komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni jenfasizzaw l-importanza li tiġi kkunsidrata sħubija pubblika-privata għall-industriji b’bażi bijoloġika bħala inizjattiva teknoloġika (2).

2.7.

Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta għall-emenda hija meħuda mill-Artikoli 187 u 188 tat-TFUE. Peress li l-Istati Membri ma setgħux jaġixxu waħedhom, hija l-UE li hija kapaċi tibdel il-qafas legali tal-impriża konġunta. Il-proposta inkwistjoni għandha bħala objettiv li taġġusta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill, b’mod li l-membri tal-konsorzju ta’ industriji b’bażi bijoloġika jkollhom b’mod konkret il-possibbiltà li jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ kontribuzzjoni finanzjarja. Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Din l-emenda kienet meħtieġa wkoll minħabba l-fatt li ma kien hemm ebda possibbiltà biex tinterpreta r-Regolament tal-Kunsill b’mod li jippermetti l-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja fil-livell tal-proġetti.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Fuq il-bażi tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea adottat fl-2012 strateġija dwar il-bijoekonomija, bl-għan li tkun żgurata koerenza ta’ politika bejn l-oqsma differenti ta’ azzjoni rilevanti u l-miri rispettivi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE. Dan l-approċċ kien meħtieġ biex jiżdied il-finanzjament pubbliku u l-investimenti privati relatati mal-bijoekonomija. Il-mudelli ta’ governanza parteċipattiva ġew żviluppati. Din l-istrateġija stabbiliet il-pedamenti ta’ pjan ta’ azzjoni li jinkludi 12-il miżura mibnija madwar dawn it-tliet temi ewlenin:

l-investimenti fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet;

l-interazzjoni rinfurzata tal-politika u l-involviment tal-partijiet interessati;

il-kundizzjonijiet favorevoli għas-suq u l-kompetittività fil-kuntest tal-bijoekonomija.

3.2.

Il-miżuri li ttieħdu kellhom l-għan li joħolqu assoċjazzjoni tal-partijiet interessati fil-qasam tal-bijoekonomija, kif ukoll osservatorju tal-attivitajiet tal-bijoekonomija, u li jistimolaw l-emerġenza ta’ swieq ġodda permezz tad-definizzjoni ta’ standards, speċjalment fir-rigward tas-sostenibbiltà u l-vijabbiltà, u jipprovdu bażi ta’ għarfien neċessarja għall-intensifikazzjoni fit-tul tal-produzzjoni primarja. Kien ippjanat li din l-istrateġija tiġi riveduta u aġġornata fl-2017.

3.3.

Il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi emenda teknika tad-dokument fis-seħħ, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014, li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika.

3.3.1.

L-Impriża Konġunta tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika hija organizzazzjoni li għandha l-għan li timplimenta sħubija pubblika-privata li l-membri tagħha huma l-Unjoni Ewropea, rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, u l-Konsorzju tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika. L-għan ta’ din l-impriża konġunta huwa li timplimenta l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta għall-Industrija b’Bażi Bijoloġika minn issa sal-31 ta’ Diċembru 2024.

3.3.2.

Minħabba d-diffikultajiet tal-konsorzju biex jagħti sehmu finanzjarju skont il-mod previst mir-Regolament tal-Kunsill, huwa propost li tiddaħħal biswit il-metodu eżistenti ta’ ħlas fil-livell tal-programm, il-possibbiltà li jagħmel kontribuzzjoni finanzjarja fil-livell tal-proġetti. Din is-soluzzjoni tindirizza din is-sitwazzjoni b’mod effettiv u taħdem favur il-kisba tal-objettivi oriġinali tar-Regolament tal-Kunsill billi tippermetti lill-membri tal-konsorzju tal-industriji b’bażi bijoloġika jikkonformaw mal-impenn oriġinali tagħhom. Is-soluzzjoni proposta hija simili għal dik prevista għall-Impriża Konġunta IMI 2 (Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2), li tipprovdi li l-membri minbarra l-Unjoni jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji kemm fil-livell tal-programm, il-metodu użat attwalment mill-fondi fiduċjarji u l-organizzazzjonijiet tal-karità, kif ukoll fil-livell tal-proġett, fejn din il-proċedura hija użata minn entitajiet kummerċjali. Din l-emenda mhijiex parti mill-programm REFIT.

3.4.

L-impriża konġunta tal-industriji b’bażi bijoloġika għandha bħala għan l-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata magħmula, minn naħa, mill-Unjoni Ewropea, rappreżentata mill-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, minn konsorzju ta’ industriji b’bażi bijoloġika stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014. Is-sħubija timmira li timplimenta l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta għall-industriji b’bażi bijoloġika, skont l-istatuti tal-impriża konġunta dwar l-industriji b’bażi bijoloġika, minn issa sal-31 ta’ Diċembru 2024.

3.5.

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill jistipula konkretament il-kontribuzzjonijiet ta’ kull parti lill-impriża konġunta, l-ispejjeż amministrattivi u operattivi, li huma kondiviżi u li magħhom jiżdied ammont mhux speċifikat li jirrappreżenta l-kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet indiretti (CNCP) u l-kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet addizzjonali (CNAC). Jirriżulta mill-interpretazzjoni tar-regolamenti li l-kontribuzzjoni tal-Konsorzju ta’ Industriji b’Bażi Bijoloġika għandha tiddaħħal fil-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika fil-livell tal-programm. L-entitajiet kostitwenti tal-membri minbarra l-Unjoni, li huma dawk li jieħdu sehem fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet indiretti ta’ finanzjament, għandhom jipprovdu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom b’mod dirett għall-azzjonijiet indiretti fil-livell tal-proġetti.

3.6.

Bosta membri tal-konsorzju jiffaċċjaw diffikultajiet fir-rigward tal-metodu ta’ ħlas. Huma jaħsbu li kontribuzzjonijiet finanzjarji fil-livell tal-programm mhumiex vijabbli kummerċjalment, għaliex dan il-mod ma joffri l-ebda benefiċċju ggarantit lura, notevolment f’dak li jikkonċerna r-riżultati tal-proġetti u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati, u minħabba li kontributi fil-livell tal-programm jistgħu jwasslu biex membru wieħed tal-konsorzju jagħti dik il-kontribuzzjoni lill-kompetituri tiegħu stess. Qed jiġi propost metodu alternattiv, il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja fil-livell tal-proġett, fejn ir-riżultati tal-proġett jistgħu jkunu ta’ benefiċċju esklużivament għall-parteċipanti li jikkontribwixxu finanzjarjament. Din il-proċedura hi mingħajr preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni. Huwa mixtieq li jiġu salvagwardjati l-interessi tal-katini ta’ valur bijoekonomiċi, inkluż fil-każ tal-SMEs, iċ-ċentri tar-riċerka u t-teknoloġija u l-universitajiet.

3.7.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-membri minbarra l-Unjoni għandha tkun konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

il-kontribuzzjoni finanzjarja fil-livell tal-programm hija unika għall-impriża konġunta ta’ industriji b’bażi bijoloġika;

il-mudell attwali tal-impriża huwa adegwat għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-fondi fiduċjarji u l-għaqdiet tal-karità;

huwa neċessarju li jiġi adattat il-qafas legali tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika sabiex tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni mal-impriżi.

3.8.

Skont din il-proposta, il-membri tal-konsorzju ta’ industriji b’bażi bijoloġika jistgħu jkomplu jħallsu l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom fil-livell tal-programm. Minbarra dan il-mod, se jkun hemm ukoll l-opportunità biex tiġi trasferita direttament il-kontribuzzjoni finanzjarja lil parteċipant ieħor fil-proġett, b’konformità mar-regoli miftiehma b’mod komuni (“il-ftehim tal-konsorzju”), mal-qafas legali applikabbli [(trasferiment tal-membri tal-konsorzju ta’ industriji b’bażi bijoloġika lill-konsorzju) u (trasferimenti finanzjarji tal-membri tal-konsorzju ta’ industriji b’bażi bijoloġika lill-benefiċjarji tal-proġett)], il-liġijiet nazzjonali u l-prattiki tal-kontabbiltà tas-soltu tagħhom. Il-konsorzju tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika ser jirrapporta, f’forma aggregata, dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji riċevuti.

3.9.

Il-mudell ta’ ftehim ta’ għotja tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika ser jiġi emendat kif meħtieġ. Għandu jiġi nnutat li l-proposta għal emenda la kellha impatt rilevanti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u lanqas fir-rigward ta’ implikazzjonijiet baġitarji. Huwa stmat li tnaqqis fiskali għandu jaffettwa l-ambjent universitarju u l-SMEs ikkonċernati, peress li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni hija prinċipalment maħsuba għall-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni.

3.10.

L-emenda hija vinkolanti fl-intier tagħha u tapplika direttament fl-Istati Membri kollha. Ma hemm bżonn ta’ ebda dokument ta’ spjegazzjoni.

Brussell, is-27 ta’ April 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Il-PAK (Politika Agrikola Komuni), l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti, il-PKS (Politika Komuni tas-Sajd), l-Istrateġija Ewropa 2020, il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew favur l-ekonomija ċirkolari, 50 netwerk taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u tliet inizjattivi ta’ programmazzjoni konġunta.

(2)  COM(2012) 60 final: Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa; COM(2014) 14 final: Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew; COM(2013) 494 final: Sħubijiet pubbliċi-privati fil-programm Orizzont 2020: għodda b’saħħitha sabiex twettaq l-innovazzjoni u t-tkabbir fl-Ewropa; COM(2012) 79 final: Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni “Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu”.


28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 246/22


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli fir-rigward tal-flus deħlin jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005”

[COM(2016) 825 final — 2016/0413 (COD)]

(2017/C 246/04)

Relatur:

Javier DOZ ORRIT

Korelatur:

Mihai MANOLIU

Konsultazzjoni

Il-Parlament Ewropew, 19.1.2017

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 19.1.2017

Bażi legali

Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

6.4.2017

Adottata fil-plenarja

27.4.2017

Sessjoni plenarja Nru

525

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

154/4/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis li l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, kif ukoll kontra l-ħasil tal-flus u forom oħra ta’ kriminalità ekonomika relatati għandha tkun prijorità permanenti tal-politika tal-UE.

1.2.

Il-KESE jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-miżuri introdotti fil-proposta tal-Kummissjoni, li tħassar ir-Regolament preċedenti tal-2005 biex taġġusta l-qafas regolatorju għas-sitwazzjoni attwali u tindirizza n-nuqqasijiet identifikati fi studji differenti dwar l-implimentazzjoni tiegħu.

1.3.

Il-KESE huwa tal-fehma li t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontrolli u l-kompetenza tal-awtoritajiet biex iwettqu kontrolli u jikkonfiskaw merkanzija, kull meta jkun hemm indikazzjoni raġonevoli ta’ attivitajiet illegali, se tippermetti li jiġu skoperti aktar każijiet ta’ frodi u tinġabar aktar informazzjoni.

1.4.

Il-KESE jikkunsidra li huwa neċessarju li tittejjeb il-kooperazzjoni kemm bejn l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll bejn l-Istati Membri, sabiex ir-Regolament il-ġdid jiġi applikat bl-iżjed mod effettiv possibbli. Il-KESE jitlob lill-Istati Membri kollha sabiex jipprovdu lill-Europol il-bażi tad-data tagħhom kontra t-terroriżmu. Il-Kummissjoni għandha wkoll tinkoraġġixxi miżuri ta’ kooperazzjoni li jippermettu lill-Istati Membri kollha jiksbu l-mezzi neċessarji sabiex jikkontrollaw b’mod effettiv it-tipi differenti ta’ flus kontanti u l-modi ta’ trasport.

1.5.

Il-KESE jipproponi li, wara studju u konsultazzjonijiet estensivi, il-Kummissjoni għandha tħejji pjan għat-tnaqqis fl-użu ta’ flus kontanti fl-UE. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kwistjoni dwar jekk il-limitu tad-dikjarazzjoni obbligatorja ta’ EUR 10 000 huwiex adegwat.

1.6.

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tieħu passi ulterjuri biex tistabbilixxi penali għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ dikjarazzjoni. Il-penali għandhom ikunu armonizzati fl-Istati Membri kollha u jeħtieġ li dawn jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni b’mod konsistenti sabiex jiġi evitat li jinħolqu lakuni għal-frodisti.

1.7.

Il-KESE jtenni t-tħassib tiegħu, li diġà ġie espress fl-Opinjoni ECO/408 (1), fir-rigward ta’ firxa ta’ fatturi li jistgħu jillimitaw serjament l-effettività tar-Regolament. Il-kwistjoni prinċipali hi li r-rifuġji fiskali li fihom iseħħ l-aktar ħasil ta’ flus sinifikattiv – u li l-flussi ta’ flus tiegħu mal-UE għandhom jiġu mmonitorjati b’mod partikolari – ma jidhrux fil-lista ta’ pajjiżi u reġjuni meqjusa mill-Kummissjoni fil-Proposta tagħha għal Regolament tal-14 ta’ Lulju 2016 bħala li jippreżentaw riskju għoli.

1.8.

L-investigazzjoni ta’ flussi kriminali ta’ flus kontanti hi marbuta ma’ reati oħra, b’mod partikolari r-reati fiskali. Għalhekk, il-KESE jipproponi li l-awtoritajiet tat-taxxa għandu jkollhom aċċess ukoll għal informazzjoni miġbura waqt il-kontrolli ta’ flus kontanti.

1.9.

Il-KESE jqis li, flimkien mad-deheb, “komoditajiet likwidi ħafna” oħra għandhom jiġu inklużi fid-definizzjoni ta’ flus kontanti mill-mument li jiġi adottat ir-Regolament il-ġdid.

1.10.

Filwaqt li jiġi rikonoxxut il-valur soċjali ta’ kards imħallsin minn qabel madwar l-UE, il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn it-theddida ta’ aktar użu minn trasgressuri u terroristi ta’ tali strumenti biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom bil-moħbi.

1.11.

Minħabba ż-żieda fl-ammont ta’ data li qed tiġi miġbura u skambjata bejn l-awtoritajiet, il-KESE jirrakkomanda li jissaħħaħ il-ħarsien ta’ din id-data u li tiġi eżaminata l-possibbiltà li jiġu applikati penali amministrattivi u kriminali aktar serji għal uffiċjali u individwi li jużawha b’mod inadegwat jew b’mod illegali.

1.12.

Il-problema hija fuq skala internazzjonali u b’riżultat ta’ dan, l-istituzzjonijiet tal-UE jridu wkoll li jkollhom rwol sħiħ fil-ħidma ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali attivi f’dan ir-rigward.

1.13.

Il-KESE jilqa’ t-tneħħija miċ-ċirkolazzjoni tal-karti tal-500 ewro mill-2018, peress li l-użu tagħhom għal ħlas f’kontanti ta’ traffikar illeċitu huwa ddokumentat b’mod wiesa’, preċiżament minħabba l-faċilità ta’ trasport u ħżin ta’ ammonti kbar ta’ flus f’postijiet iżgħar.

1.14.

Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li l-protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej għandha tibqa’ prijorità tal-ogħla livell, minkejja l-isforzi u l-ispejjeż involuti.

2.   Sfond u l-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

F’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni (2) għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi regolament ġdid dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fl-UE jew ħerġin minnha minn jew lejn pajjiżi terzi, li jirrevoka r-Regolament tal-2005 attwalment fis-seħħ (3).

2.2.

L-UE adottat ir-raba’ pakkett kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu f’Mejju 2015, li fih, fost inizjattivi oħra, ir-raba’ Direttiva dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu (AMLD 4) u r-Regolament dwar informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (4), li attwalment jinsabu fil-fażi tat-traspożizzjoni. Il-KESE ta l-fehma tiegħu dwar il-pakkett leġislattiv fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pakkett dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (5).

2.3.

Fi Frar 2016, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (6), implimentat f’żewġ fażijiet leġislattivi. Fl-ewwel fażi (Lulju 2016), il-Kummissjoni fasslet proposti għal żewġ Direttivi: l-AMLD 5, li temenda d-diversi aspetti tal-AMLD 4, id-Direttiva dwar l-aċċess tal-awtoritajiet tat-taxxa għal informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (7) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (8) biex jiġu identifikati pajjiżi terzi b’riskju kbir (rifuġji fiskali), li jissupplimenta l-AMLD 4 u l-AMLD 5 (9). Il-KESE approva l-Opinjonijiet dwar l-AMLD 5 u r-Regolament, kif ukoll l-Opinjoni dwar it-tieni Direttiva (10).

2.4.

Matul it-tieni fażi (Diċembru 2016), flimkien mal-Proposta għal Regolament imsemmija f’din l-Opinjoni, il-Kummissjoni ressqet Proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (11) u Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska tal-assi kriminali (12).

2.5.

Ir-Regolament tal-2005 jikkomplementa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, u jintroduċi kontrolli għal kunsinni fi flus kontanti li jammontaw għal EUR 10 000 jew aktar. Il-proposta attwali tal-Kummissjoni (13) tfittex li tegħleb il-lakuni fil-leġislazzjoni attwali fid-dawl tal-investigazzjonijiet immexxija mill-pulizija, l-awtoritajiet ġudizzjarji u doganali; tiżviluppa u tissupplimenta l-AMLD 4 (14) u l-AMLD 5 (15) kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; u tadatta l-leġislazzjoni tal-UE għall-istandards u r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari r-Rakkomandazzjoni Nru 32 tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja dwar il-Ħasil tal-Flus.

2.6.

Din il-proposta tindirizza l-kopertura imperfetta ta’ movimenti ta’ flus kontanti minn naħa għal oħra tal-fruntieri, id-diffikultajiet fl-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet, l-impossibbiltà li jinżammu l-ammonti taħt il-limiti (taħt l-EUR 10 000), id-definizzjoni imperfetta ta’ flus kontanti, il-penali diverġenti għal nuqqas ta’ dikjarazzjoni fl-Istati Membri u livelli differenti ta’ implimentazzjoni.

2.7.

Il-Proposta għal Regolament ġdid li jissostitwixxi l-leġislazzjoni attwali twessa’ u tirfina d-definizzjoni ta’ flus kontanti, u taqsamha f’erba’ kategoriji: munita, strumenti negozjabbli għad-detentur (ċekkijiet, ċekkijiet tal-vjaġġatur, noti promissorji u ħlasijiet postali), komoditajiet użati bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur (muniti u ingotti tad-deheb) u kards imħallsa minn qabel.

2.8.

Il-proposta tintroduċi l-obbligu li jiġu ddikjarati flus kontanti mhux akkumpanjati, jiġifieri flus kontanti mibgħuta bil-posta, jew permezz ta’ kurrier, jew it-trasport tal-merkanzija, li jammontaw għal EUR 10 000 jew iktar. Xi Stati Membri jwettqu wkoll kontrolli ta’ flus kontanti fi ħdan l-UE.

2.9.

Din tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu kontrolli fuq kunsinni ta’ flus kontanti li jammontaw għal inqas minn EUR 10 000, kif ukoll jirrappurtaw u jinvestigaw fejn ikun hemm indikazzjonijiet serji ta’ attività kriminali.

2.10.

Hija tawtorizza ż-żamma ta’ fondi fejn kunsinni mhux iddikjarati ta’ flus kontanti li jammontaw għal EUR 10 000 jew aktar, jew kunsinni ta’ kwalunkwe valur, juru sinjali ta’ attività kriminali.

2.11.

Hija ttejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni billi tirrikjedi komunikazzjoni attiva mal-UIF; bħalissa, l-awtoritajiet kompetenti huma meħtieġa biss li jagħmlu l-informazzjoni disponibbli. L-informazzjoni dwar operazzjonijiet irregolari għandha wkoll tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u għall-Kummissjoni, fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta’ attività kriminali. Huwa permess ukoll li din l-informazzjoni tiġi kkomunikata lil pajjiżi terzi, bla ħsara għal ċerti rekwiżiti.

2.12.

Hija tippromovi l-introduzzjoni ta’ penali fl-Istati Membri kollha minħabba li jkunu naqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jiddikjaraw, li jissupplimenta penali legali għal attività kriminali. Is-sanzjonijiet f’kull Stat Membru għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni fil-ġlieda globali kontra l-ħasil tal-flus u t-terroriżmu. Il-KESE jappoġġja wkoll il-modifiki mressqa b’din il-proposta bl-għan li titjieb il-leġislazzjoni fis-seħħ.

3.2.

Il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jridu jħabirku biex jiżguraw li l-pubbliku Ewropew ikun konxju bis-sħiħ tar-rieda tiegħu biex jiġġieled kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, billi jintużaw l-istrumenti legali, l-intelliġenza, l-infurzar tal-liġi u l-azzjoni ġudizzjarja meħtieġa kollha. L-għarfien li l-isforzi tal-istituzzjonijiet f’dan ir-rigward qed iseħħu f’kooperazzjoni mal-Istati Membri kollha għandu jsaħħaħ il-kredibilità u l-leġittimità tagħhom. Għalkemm mhux kollha jistgħu jiġu ppubblikati, diġà jintuża sett ta’ indikaturi dwar il-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

3.3.

Il-KESE jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jippromovu kooperazzjoni kontinwa fil-livell internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ħasil tal-flus u reati serji assoċjati ma’ dawn l-attivitajiet. L-istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom jaħdmu biex jiżguraw li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni jiġu adottati wkoll fil-livell internazzjonali. Dan huwa mod wieħed li jagħmilhom aktar effettivi.

3.4.

Il-Proposta għal Regolament ġdid għandha l-għan li tiġġieled il-flussi illegali ta’ flus kontanti bejn l-UE u pajjiżi terzi. Sabiex dan jirnexxi, jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tikkoopera mal-Istati Membri sabiex ikun żgurat li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu mgħammra bl-iktar sistemi effettivi ta’ riżorsi umani u tekniċi, kif ukoll kull riżorsa neċessarja oħra (pereżempju, bl-għajnuna ta’ klieb imħarrġa).

3.5.

L-iskemi ta’ finanzjament tat-terroriżmu jistgħu jvarjaw ħafna, mill-abbuż ta’ negozji legali jew organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ leġittimi għal attivitajiet kriminali jew abbuż tas-sistema internazzjonali tal-kummerċ. L-organizzazzjonijiet terroristiċi kontinwament jevolvu l-metodi ta’ finanzjament tagħhom, sabiex jiġu evitati d-dispożizzjonijiet leġislattivi eżistenti u għalhekk huma meħtieġa b’mod ċar aġġornamenti kontinwi għall-qafas legali. Id-differenzi fil-leġislazzjoni bejn l-Istati Membri huma ġeneralment sfruttati minn trasgressuri u terroristi, li jagħżlu l-pajjiżi fejn il-leġislazzjoni hija l-iktar dgħajfa biex iwettqu t-tranżazzjonijiet finanzjarji tagħhom.

3.6.

Minħabba l-iżvilupp tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (16), bi tweġiba għall-attakki terroristiċi li saru fl-Ewropa u bnadi oħra u l-interess pubbliku fil-ħasil tal-flus, il-frodi fiskali u l-operazzjonijiet ta’ evitar tat-taxxa imwettqa permezz ta’ rifuġji fiskali, il-Kummissjoni adottat għadd kbir ta’ inizjattivi leġislattivi tul dawn l-aħħar sentejn.

3.7.

Skont ir-Rapport tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja dwar il-Ħasil tal-Flus (17), il-flus kontanti huma użati ħafna fl-ekonomija kriminali u jibqgħu l-aktar riżorsa sinifikanti għall-finanzjament tat-terroriżmu. Il-volum ta’ flus “maħsulin” b’dan il-mod huwa diffiċli li jiġi stmat, però, ir-Rapport tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja dwar il-Ħasil tal-Flus jikkalkula li huwa bejn mijiet ta’ biljuni u triljun dollaru Amerikan kull sena.

3.8.

Analiżi dwar l-effettività tar-Regolament fis-seħħ uriet li l-għadd ta’ kunsenni li jidħlu u jħallu tal-flus fl-UE għadu għoli. Madankollu, il-kontrolli ta’ flus kontanti huma limitati fin-numru (100 000 kull sena fl-Istati Membri kollha flimkien), ivarjaw minn pajjiż għal pajjiż, u l-għadd ta’ każijiet suspettużi investigati jvarja b’mod konsiderevoli. Disa’ pajjiżi biss ħadu sehem fl-aktar konsultazzjoni reċenti dwar is-suġġett u d-data li tikkonċerna kemm in-numru ta’ każijiet kif ukoll l-analiżi tagħhom kienet tvarja minn pajjiż għal ieħor u limitata.

3.9.

Il-lakuni fir-Regolament attwali jfissru li flus kontanti mibgħuta bil-posta, jew permezz ta’ kurrier jew bit-trasport tal-merkanzija mhumiex soġġetti għal biżżejjed kontrolli. F’numru ta’ okkażjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti ma kellhomx l-għodod neċessarji biex iwettqu kontrolli suffiċjenti.

3.10.

It-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontrolli u l-għoti tas-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu kontrolli u jikkonfiskaw merkanzija fejn hemm suspett ta’ attività kriminali, anke taħt il-limitu massimu ta’ EUR 10 000, ser jippermettu l-iskoperta ta’ aktar każijiet ta’ frodi u l-ġbir ta’ aktar informazzjoni. L-informazzjoni miksuba bħalissa mhux qed tintuża kif suppost. L-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni b’mod passiv f’ċerti Stati Membri u ma hemm l-ebda miżuri fis-seħħ biex jiżguraw li din tiġi pproċessata b’mod korrett. Il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għandha titjieb bħala kwistjoni ta’ neċessità: bejn l-awtoritajiet doganali, l-aktar li huma responsabbli li jwettqu l-kontrolli u l-UIF inkarigati li jirċievu u janalizzaw l-informazzjoni; bejn il-UIF u l-awtoritajiet tat-taxxa u dawk ġudizzjarji; bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u dawk f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk li huma responsabbli għal aktar flussi ta’ flus kontanti illegali lejn u mill-UE, kif inhu l-każ tar-rifuġji fiskali.

3.11.

Il-penali applikati skont ir-regolament attwali għal nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ flus kontanti ma ġewx armonizzati u jidher li l-analiżijiet imwettqa juru li dawn m’għandhomx l-effett dissważiv mixtieq. Ir-Regolament il-ġdid jirrikjedi li l-Istati Membri jintroduċu penali għal nonkonformità mal-obbligu li jiddikjaraw, irrispettivament minn jekk hemmx suspett ta’ attività kriminali jew jekk il-flus humiex marbuta mal-investigazzjonijiet f’reati jew ksur ieħor; dawn il-penali għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni. Il-KESE jissuġġerixxi li għandha tiġi stabbilita proċedura ta’ notifika komuni għall-Istati Membri kollha. Madankollu, kull Stat Membru għandu l-libertà jiddetermina l-penali tiegħu stess. Il-penali stipulati skont l-Artikolu 13 għandhom jiġu armonizzati sabiex ma jinħolqux twieqi ta’ opportunità għall-kriminali li jaħdmu permezz ta’ pajjiżi partikolari.

3.12.

L-implimentazzjoni tar-Regolament u tal-miżuri kontra l-ħasil tal-flus imsemmija hawn fuq se żżid ħafna l-ammont ta’ data personali miġbura, maħżuna u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-korpi u l-awtoritajiet kompetenti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Jekk irridu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-individwi, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, huwa importanti li tiġi vvalutata l-ħtieġa ta’ mekkaniżmi ġodda ta’ protezzjoni, li dawn jiġu introdotti fejn meħtieġ u li jiġu promossi sanzjonijiet kriminali aktar iebsa għall-uffiċjali pubbliċi u individwi oħrajn li jużaw l-informazzjoni b’mod illegali.

3.13.

It-tip tal-mezzi u l-proċeduri użati biex jiġu indirizzati l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, inklużi kunsinni ta’ flus illegali, wasslu biex il-Kummissjoni, ġustament, tadotta miżuri leġislattivi li jestendu għaż-żewġ reati. It-tnejn huma konnessi ma’ oħrajn simili jew akbar fid-daqs. Il-koordinazzjoni mill-qrib permezz tal-mekkaniżmi adegwati bejn l-awtoritajiet u l-korpi nazzjonali kkonċernati kollha u l-Istati Membri hija essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament u l-miżuri leġislattivi oħra rilevanti. Għandu jiġi osservat li l-kooperazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet u istituzzjonijiet fl-Istati Membri – il-pulizija, l-intelliġenza, u l-awtoritajiet ġudizzjarji, doganali u tat-taxxa – hija’ l bogħod milli tkun waħda ottima. Il-KESE huwa partikolarment imħasseb dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn il-forzi tal-pulizija nazzjonali u l-Europol, kif muri mill-fatt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma għamlux il-bażijiet tad-data antiterroristiċi tagħhom disponibbli għall-aġenzija Ewropea tal-infurzar tal-liġi. Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Membri sabiex itemmu din is-sitwazzjoni.

3.14.

Ostaklu kbir ieħor għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament u d-dispożizzjonijiet leġislattivi rilevanti l-oħra għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu huwa n-nuqqas ta’ rieda politika reali biex jinqerdu għalkollox ir-rifuġji fiskali. L-aktar evidenza konvinċenti għal dan hija l-lista ta’ “pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi”, li tidher fl-Anness għar-Regolament (UE) 2016/1675, li jissupplimenta l-AMLD4 u l-AMLD5. Lanqas wieħed mir-rifuġji fiskali li jirrappreżentaw il-maġġoranza ta’ tranżazzjonijiet illegali, b’mod partikolari l-flussi ta’ flus diskussi fil-Proposta għal Regolament, ma jidher fil-lista. Il-KESE huwa kostrett li jtenni l-appell li għamel fl-Opinjoni ECO/408: il-Kummissjoni għandha tipproponi lista ġdida ta’ rifuġji fiskali, u tgħaqqadha f’lista unika ta’ pajjiżi u territorji terzi li ma jikkooperawx fil-prosekuzzjoni tar-reati finanzjarji u l-finanzjament tat-terroriżmu.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-finanzjament tat-terroriżmu għandu komponent globalizzat ċar, li jfisser li l-operazzjonijiet tal-gruppi terroristiċi f’pajjiż wieħed huma ħafna drabi ffinanzjati minn attivitajiet kriminali f’pajjiż ieħor. Jinħtieħu kontrolli ta’ flus kontanti u bidliet leġislattivi intensivi biex jibblukkaw il-movimenti ta’ flus kontanti, jittraċċaw u jillimitaw l-operazzjonijiet finanzjarji, kif ukoll jiffaċilitaw informazzjoni importanti dwar it-terroristi u dawk li jiffinanzjawhom. Billi huwa kompletament konxju tad-dimensjoni esterna tal-finanzjament tat-terroriżmu, il-KESE jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jipparteċipaw bis-sħiħ fl-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha fejn huma rappreżentati, bl-għan li jkunu jistgħu jiġu implimentati miżuri simili mad-dinja kollha.

4.2.

Il-kunsinni ta’ flus kontanti għadhom il-mezz ewlieni għall-ħasil tal-flus u attivitajiet finanzjarji kriminali oħra (18). Il-KESE jirrakkomanda li, wara li tkun wettqet studju komprensiv, ikkonsultat il-partijiet kollha kkonċernati u tkun stabbilixxiet relazzjoni ta’ ħidma mill-qrib mal-Istati Membri, il-BĊE u l-Banek Nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tfassal pjan biex tnaqqas l-użu tal-flus kontanti fl-UE. Is-soppressjoni tal-karti ta’ EUR 500 huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Bħala parti minn dan l-istudju, għandha tiġi kkunsidrata l-kwistjoni dwar jekk il-limitu tad-dikjarazzjonijiet obbligatorji ta’ EUR 10 000 huwiex adegwat

4.3.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżid l-isforzi tagħha biex ir-riżultati tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja (19) jiġu ratifikati fl-UE kollha b’mod koerenti. S’issa, 17-il Stat Membru biss irratifikawha, għalkemm 26 iffirmawha.

4.4.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-Proposta għal Regolament tista’ twassal għal titjib sinifikanti fl-għodod li nużaw fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, filwaqt li fl-istess ħin ikollha impatt minimu fuq l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju.

4.5.

Il-KESE jemmen li l-iżvilupp ta’ politiki ta’ kooperazzjoni finanzjarja mal-pajjiżi ġirien u dawk li huma responsabbli għal flussi migratorji partikolarment kbar lejn l-UE huwa essenzjali sabiex jiffaċilita tranżazzjonijiet finanzjarji trasparenti u spejjeż aktar baxxi. L-ostakli u l-ispejjeż għolja ta’ trasferiment ta’ flus lejn u lil hinn minn dawn il-pajjiżi jħeġġu l-użu ta’ kunsinni ta’ flus kontanti u tranżazzjonijiet opaki u b’hekk l-użu ta’ dawn il-metodi għal skopijiet kriminali.

4.6.

L-attakki reċenti fuq territorju tal-UE juru li kards imħallsin minn qabel ġew użati mit-terroristi biex iħallsu l-kmamar tal-lukanda, pereżempju (eż. l-attakki ta’ Pariġi tat-13 ta’ Novembru 2015). Filwaqt li l-valur soċjali ta’ dawn l-istrumenti huwa ovvju, peress li jippermettu li nies vulnerabbli jew esklużi jkunu jistgħu jagħmlu pagamenti kemm onlajn kif ukoll offlajn, il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn it-theddida li t-trasgressuri jew it-terroristi jibqgħu jużaw dawn l-istrumenti.

4.7.

It-trasport illegali ta’ flus kontanti huwa marbut ma’ tipi oħra ta’ reati: reati fiskali, ħasil ta’ flus u finanzjament tat-terroriżmu. Il-Proposta għal Regolament tal-Kummissjoni ma tagħmilhiex possibbli li tiġi skambjata data ta’ dikjarazzjoni ta’ flus kontanti regolari għal finijiet fiskali. Il-KESE jħoss li l-prosekuzzjoni ta’ dawn ir-reati għandha titwettaq b’mod komprensiv. B’mod partikolari, huwa tal-fehma li l-iskambju li ġie deskritt hawn fuq għandu jitħalla jsir, minħabba r-rabta ċara bejn il-frodi fiskali u l-ħasil tal-flus, li f’ħafna każijiet jinvolvu l-moviment ta’ flus kontanti.

4.8.

Filwaqt li l-Artikoli 2.2 u 14 tal-Proposta għal Regolament jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti ddelegati li jemendaw l-anness, b’mod partikolari fil-parti li tispeċifika li “komoditajiet użati bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur” huma meqjusa bħala forom ta’ flus kontanti, il-KESE jemmen li ma hemm l-ebda raġuni għalfejn din il-kategorija għandha tiġi limitata għad-deheb biss mill-bidu nett. Komoditajiet oħra partikolarment ta’ valur, bħal metalli prezzjużi jew ħaġar prezzjuż (fil-fażi kruda jew maqtugħin), jistgħu jiġu inklużi fl-ewwel lista approvata mill-Parlament u mill-Kunsill.

4.9.

Il-KESE jtenni l-fatt li l-iżgurar tas-sigurtà taċ-ċittadini tagħna għandu jibqa’ wieħed mill-preokkupazzjonijiet ewlenin tal-UE u tal-Istati Membri, irrispettivament mill-isforz meħtieġ.

Brussell, is-27 ta’ April 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 121.

(2)  COM(2016) 50 final

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 9).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73), u r-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).

(5)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 31.

(6)  COM(2016) 50 final.

(7)  COM(2016) 450 final, 2016/0208 (COD) u COM(2016) 452 final, 2016/0209 (CNS).

(8)  Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1).

(9)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 121.

(10)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 127.

(11)  COM(2016) 826 – 2016/0414 (COD).

(12)  COM(2016) 819 – 2016/0412 (COD).

(13)  COM(2016) 825 final – 2016/0413 (COD).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 – (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(15)  Proposta għal AMLD 5.

(16)  COM(2015) 185 final.

(17)  Rapport tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja dwar il-Ħasil tal-Flus “Money Laundering: Through the Physical Transportation of Cash” (2015).

(18)  “Why is cash still king? – A strategic report on the use of cash by criminal groups as a facilitator for money laundering”. Financial Intelligence Group, il-Europol, 2015.

(19)  Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil, it-Tiftix, il-Qbid u l-Konfiska ta’ Rikavati mill-Kriminalità u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu, 2005.


28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 246/28


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/794 u (UE) 2016/1624”

[COM(2016) 731 final — 2016/0357 (COD)]

(2017/C 246/05)

Relatur:

is-Sur Jan SIMONS (NL-I)

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 17.2.2017

Parlament Ewropew, 19.1.2017

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Ix-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni speċjalizzata

3.4.2017

Adottata fil-plenarja

27.4.2017

Sessjoni plenarja Nru

525

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

184/0/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis l-intenzjoni li tinħoloq Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) biex jiġu identifikati r-riskji assoċjati mal-viżitaturi li huma eżenti mill-viża li jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen bħala pass inevitabbli attwalment, li jikkorrispondi mat-theddid ikkawżat minn ċirkustanzi esterni u interni.

1.2.

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-ETIAS tidħol fl-istrateġija ġenerali tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni u s-sigurtà kif definit mill-Kummissjoni fil-programm tagħha tal-2011 dwar “Fruntieri Intelliġenti”, u li l-informazzjoni miġbura permezz tas-sistema ser tippermetti verifika minn qabel ta’ riskji potenzjali għas-sigurtà jew ta’ migrazzjoni irregolari sabiex iċ-ċittadini tal-UE jiġu mħarsa kontra persuni li jidħlu b’intenzjoni malizzjuża.

1.3.

Il-Kumitat jenfasizza b’mod qawwi li l-ETIAS għandha tirrispetta b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali tal-applikanti u tevita kull diskriminazzjoni. Id-data kollha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ informazzjoni sensittiva dwar is-saħħa, l-edukazzjoni, il-kriminalità, eċċ., miġbura mis-sistema għandha tiġi protetta u l-aċċess għaliha għandu jkun strettament limitat għall-awtoritajiet li jinvestigaw l-attivitajiet kriminali, it-terroriżmu, l-immigrazzjoni illegali u theddid ieħor. L-ETIAS għandha tirrispetta wkoll id-dritt tal-applikanti li jappellaw kontra r-rifjut li tingħatalhom awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar jew li din tiġi rtirata.

1.4.

Il-Kumitat huwa konxju tal-ħtieġa li jissolvew bosta kwistjonijiet tekniċi dwar l-ETIAS, speċjalment l-interoperabbiltà u l-interkonnettività ma’ sistemi oħra għall-ġbir tad-data u l-governanza. L-ETIAS għandha tkun ibbażata fuq bilanċ tajjeb bejn ir-riskji u s-sikurezza, filwaqt li fl-istess ħin tiġi evitata żieda fil-piżijiet u l-ostakli amministrattivi għal viżitaturi li jivvjaġġaw ta’ spiss lejn l-UE għal kummerċ, studju, kura medika, eċċ.

1.5.

Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jagħtu attenzjoni wkoll lill-aspetti politiċi tal-istabbiliment tal-ETIAS. Il-pajjiżi rilevanti għandhom ikunu infurmati dwar ir-raġunijiet tal-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar minkejja sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża u dwar il-vantaġġi li jippermettu qsim tal-fruntieri bla tfixkil u malajr għal vjaġġaturi b’awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. Il-Kummissjoni għandha wkoll toqgħod attenta li kwalunkwe miżura reċiproka eventwali minn pajjiżi rilevanti għaċ-ċittadini tal-UE tkun proporzjonata għall-miżuri tal-UE.

1.6.

L-ETIAS għandha tagħti kunsiderazzjoni lil persuni li ma jkunux jistgħu japplikaw online u tipprovdi “kabini għall-applikazzjonijiet” għall-applikanti fl-ajruporti u l-portijiet marittimi tat-tluq ewlenin u wkoll fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri ewlenin fuq l-art. L-applikanti kollha għandhom jitħallew jużaw is-servizzi ta’ intermedjarji bħall-aġenziji tal-ivvjaġġar jew il-kumpaniji tat-trasport. Madankollu, l-ispejjeż mitluba minn dawn l-intermedjarji għas-servizzi tagħhom għandhom jiġu mmonitorjati u evalwati minn delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi terzi.

1.7.

Se jkun ukoll neċessarju li jiġu definiti sew il-kriterji għall-kategoriji proposti ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li se jkunu eżenti mill-obbligu li jiksbu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, b’kont meħud tal-migrazzjoni, is-sigurtà jew riskji għas-saħħa.

1.8.

Il-Kumitat jitlob li jinstabu soluzzjonijiet għall-Istati Membri li għadhom ma applikawx b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen (il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija) u għaldaqstant ma għandhomx aċċess għas-SIS, il-VIS u l-EES.

2.   Sfond

2.1.

Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jistennew li l-awtoritajiet jiżguraw is-sigurtà tagħhom f’Ewropa miftuħa. Huma jistennew li l-fruntieri esterni taż-żona Schengen jiġu ġestiti b’mod effettiv, sabiex tiġi evitata l-migrazzjoni irregolari, jiġu żgurati kemm sigurtà interna akbar u l-moviment ħieles fi ħdan iż-żona Schengen u jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri esterni tal-UE f’dinja ta’ mobilità.

2.2.

Illum, madwar 1,4 biljun persuna minn madwar 60 pajjiż mad-dinja kollha (1) jistgħu jibbenefikaw minn vjaġġar mingħajr viża lejn l-Unjoni Ewropea u mill-prinċipju ta’ reċiproċità, li jibbenefika wkoll liċ-ċittadini tal-UE billi jiffaċilita l-ivvjaġġar mingħajr viża barra minn pajjiżhom. In-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżenti mill-viża li jżuru l-pajjiżi ta’ Schengen se jkompli jikber, b’żieda mistennija fin-numru ta’ individwi li jaqsmu l-fruntiera Schengen ta’ aktar minn 30 % sal-2020, minn 30 miljun fl-2014 għal 39 jew 40 miljun fl-2020 (2).

2.3.

Dawn iċ-ċifri juru l-bżonn li tiġi stabbilita sistema ta’ awtorizzazzjoni simili għal dawk li diġà jeżistu f’xi pajjiżi (l-Istati Uniti tal-Amerika (3) – mill-2009, l-Awstralja (4) – mill-1996, il-Kanada (5) – mill-2016), jiġifieri biex jiġu vvalutati u ġestiti r-riskji potenzjali ta’ migrazzjoni irregolari u għas-sigurtà rrappreżentati minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jżuru l-UE, iżda b’mod eħfef u aktar faċli għall-viżitatur mir-reġim tal-viża standard, f’konformità mal-għanijiet tal-UE dwar il-politika dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża.

2.4.

Meta mqabbla ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu l-viża, l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntiera u tal-infurzar tal-liġi għandhom ftit informazzjoni dwar ċittadini minn pajjiżi terzi eżenti mill-viża fir-rigward tar-riskji li jistgħu jirrappreżentaw qabel il-wasla tagħhom fil-fruntiera ta’ Schengen. Iż-żieda ta’ dan is-saff nieqes ta’ data u l-valutazzjoni tar-riskju dwar il-viżitaturi mingħajr viża se jikkontribwixxu valur miżjud sinifikanti għall-miżuri eżistenti biex tinżamm u tissaħħaħ is-sigurtà taż-żona Schengen u se jippermettu lill-viżitaturi mingħajr viża li jgawdu l-istatus tagħhom mingħajr viża.

2.5.

Fil-programm tagħha tal-2011 dwar “Fruntieri Intelliġenti”, il-Kummissjoni semmiet il-ħtieġa għal ġestjoni aktar moderna u effiċjenti tal-flussi tal-vjaġġaturi fil-fruntieri esterni tal-UE, bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda biex jissemplifikaw il-ħajja għall-barranin li jivvjaġġaw ta’ sikwit lejn l-UE u biex jiġu ssorveljati aħjar ċittadini minn pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri.

2.6.

It-theddidiet u l-isfidi ġodda li dehru fis-snin sussegwenti irrikjedew reviżjoni tal-programm inizjali dwar “Fruntieri Intelliġenti”, u wara studji tekniċi u proċess ta’ konsultazzjoni, fl-2016 ġiet ippubblikata proposta leġislattiva ġdida għal Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ. Il-KESE adotta l-Opinjoni tiegħu dwar is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) f’Settembru 2016 (6). L-emenda proposta dan l-aħħar għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (7), sabiex jissaħħu l-verifiki ma’ bażijiet tad-data rilevanti (SIS, il-bażi tad-data tal-Interpol dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa jew mitlufa u bażijiet ta’ data Ewropej oħra) fil-fruntieri esterni, għandha l-għan li tintroduċi verifika obbligatorja taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi kif ukoll ta’ ċittadini tal-UE kemm meta jidħlu kif ukoll meta joħorġu mill-Unjoni Ewropea.

2.7.

Biex jiġi komplut dan il-proċess ta’ reviżjoni, il-Kummissjoni ppubblikat proposta li tistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) biex isaħħaħ il-kontrolli tas-sigurtà fuq vjaġġaturi mingħajr viża (8). Din ser tkun sistema awtomatizzata tal-IT maħluqa sabiex tidentifika kwalunkwe riskju assoċjat ma’ viżitatur eżenti mill-viża li jkun qed jivvjaġġa lejn iż-żona Schengen, b’40 miljun talba mistennija mill-bidu fl-2021 (9).

2.8.

L-informazzjoni miġbura permezz tas-sistema ser tippermetti verifika minn qabel tar-riskji potenzjali ta’ sigurtà jew ta’ migrazzjoni irregolari, b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data.

2.9.

L-awtorizzazzjoni ETIAS mhix viża. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi mingħajr viża xorta se jkunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr viża iżda se jkunu meħtieġa, bħala kundizzjoni obbligatorja għad-dħul fiż-żona Schengen bl-ajru, bil-baħar jew b’mezz ta’ trasport intern, jiksbu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar qabel il-vjaġġ tagħhom wara l-ħlas ta’ miżata (l-ammont suġġerit huwa ta’ EUR 5). Sabiex tiddeċiedi jekk għandhiex toħroġ jew tiċħad it-talba għall-ivvjaġġar lejn l-UE, is-sistema se twettaq kontrolli awtomatiċi (95 % riżultati pożittivi mistennija) jew jekk ikun hemm bżonn, kontrolli manwali preliminari addizzjonali u mbagħad jew toħroġ jew tirrifjuta awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. Ir-riżultat ta’ din il-proċedura se jiġi kkomunikat lill-applikant fi żmien qasir ħafna (ftit minuti jew massimu ta’ 72 siegħa jekk hemm bżonn kontrolli addizzjonali). Id-deċiżjoni finali li jingħata aċċess jew jiġi rifjutat id-dħul dejjem se tittieħed minn gwardji nazzjonali tal-fruntiera li jwettqu kontrolli fil-fruntieri skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

2.10.

Madankollu, il-verifika minn qabel ta’ vjaġġaturi ta’ pajjiżi terzi eżenti mill-viża se tiffaċilita l-kontrolli tal-fruntieri u tiżgura li jkun hemm valutazzjoni tar-riskju koordinata u armonizzata ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u se tnaqqas b’mod sostanzjali l-għadd ta’ ċaħdiet tad-dħul f’punti ta’ qsim tal-fruntiera. Għalkemm awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar hija valida 5 snin – jew sal-iskadenza tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar – tista’ tiġi revokata jew annullata jekk il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ma jibqgħux japplikaw.

2.11.

Ir-Regolament propost jinkludi prinċipju ġenerali li l-ETIAS hi mibnija fuq l-interoperabilità tas-sistemi tal-informazzjoni li jridu jiġu kkonsultati u dwar l-użu mill-ġdid ta’ komponenti żviluppati għal dawk is-sistemi tal-informazzjoni, b’mod partikolari s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ tal-UE (EES). Dan l-approċċ jirriżulta wkoll fi ffrankar sinifikanti fl-ispejjeż għat-twaqqif u l-operat tal-ETIAS. L-ETIAS u l-EES ikunu jikkondividu repożitorju ta’ data personali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’data addizzjonali mill-applikazzjoni tal-ETIAS (eż. informazzjoni dwar ir-residenza, tweġibiet għal mistoqsijiet ta’ sfond, u l-indirizz tal-IP, eċċ.) u r-reġistri ta’ dħul u ħruġ tal-EES maħżuna separatament, iżda marbuta ma’ dan il-fajl ta’ identifikazzjoni komuni u uniku. Dan l-approċċ huwa konformi għalkollox mal-istrateġija tal-interoperabilità u jinkludi s-salvagwardji xierqa kollha għall-protezzjoni tad-data.

2.12.

Il-Europol ser tkun involuta fit-tfassil tar-regoli dwar l-iskrinjar u l-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS li se tkun tikkonsisti f’data relatata mal-persuni li jkunu suspettati li kkommettew jew ħadu sehem f’reat kriminali jew persuni li dwarhom hemm indikazzjonijiet fattwali jew bażijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li jistgħu jwettqu reati kriminali serji jew jirrappreżentaw riskji oħra għas-sigurtà u s-saħħa.

2.13.

L-Aġenzija għall-ġestjoni operazzjonali ta’ sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira fiż-żona tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja (“eu-LISA”) se tiżviluppa s-sistema ta’ informazzjoni tal-ETIAS u tiżgura l-ġestjoni teknika tagħha. L-ispiża biex tiġi żviluppata s-sistema tal-ETIAS hija stmata għal madwar EUR 212,1 miljun u l-ispiża annwali medja għall-operat hi ta’ EUR 85 miljun. L-ETIAS mistennija tkun operattiva sa mhux aktar tard mill-2020.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jqis l-intenzjoni li tinħoloq l-ETIAS bħala pass inevitabbli attwalment li jikkorrispondi mat-theddid ikkawżat minn ċirkustanzi esterni u interni. Dan il-pass jista’ ma jintlaqax minn vjaġġaturi minn pajjiżi terzi b’sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża, iżda dan jidħol fl-istrateġija ġenerali tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni u tas-sigurtà kif definit mill-Kummissjoni fil-programm tagħha tal-2011 dwar “Fruntieri Intelliġenti”.

3.2.

Il-Kumitat jinnota li l-proposta tal-ETIAS għandha l-għan li timla l-vojt fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE li jippermetti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi mingħajr viża biex jaqsmu l-fruntieri tal-UE fin-nuqqas ta’ informazzjoni xierqa dwar dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi qabel il-wasla tagħhom fil-fruntiera ta’ Schengen f’dak li jikkonċerna r-riskji li dawn jistgħu jirrappreżentaw.

3.3.

Il-proposta tal-ETIAS tiffoka fuq l-aspetti tekniċi tas-sistema, il-governanza tagħha, it-teknoloġija tal-informazzjoni meħtieġa u l-interoperabbiltà u l-interkonnettività ma’ sistemi oħra ta’ ġbir u analiżi ta’ data (10). Il-Kumitat huwa konxju tal-kumplessità estrema ta’ dawn il-kwistjonijiet u l-ħtieġa li jissolvew bosta kwistjonijiet tekniċi sabiex is-sistema tkun kompletament operazzjonali wara t-tnedija tagħha, li hija ppjanata għall-2021. L-ETIAS għandha ssib bilanċ tajjeb bejn ir-riskji u s-sikurezza, filwaqt li tiġi evitata żieda fil-piżijiet u l-ostakli amministrattivi għal dawk li jivvjaġġaw ta’ spiss lejn l-UE, speċjalment għal kummerċ, xogħol, riċerka jew studju.

3.4.

Il-Kumitat huwa konvint li l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jagħtu attenzjoni wkoll lill-aspetti politiċi tal-istabbiliment tal-ETIAS u għandhom jispjegaw lill-pajjiżi rilevanti r-raġunijiet għall-istabbiliment tagħha, inklużi l-vantaġġi li jippermettu qsim tal-fruntieri bla xkiel u malajr għal vjaġġaturi b’awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar u l-iżgurar ta’ livell adegwat ta’ sigurtà filwaqt li r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal tali awtorizzazzjoni jsiru eħfef u inqas ta’ piż mill-proċedura tal-viża standard. Il-Kummissjoni għandha wkoll toqgħod attenta li kwalunkwe miżura reċiproka eventwali adottata minn pajjiżi rilevanti għaċ-ċittadini tal-UE tkun proporzjonata għall-miżuri tal-UE.

3.5.

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-pajjiżi rilevanti jiġu infurmati dwar is-sistema proposta fi żmien xieraq u li jiġu organizzati l-kampanji ta’ komunikazzjoni neċessarji mmexxija b’mod li l-vjaġġaturi jkunu infurmati kif xieraq u s-sistema tiġi introdotta pass b’pass, billi tibda fuq bażi fakultattiva qabel ma ssir obbligatorja hekk kif din tiġi implimentata kif xieraq u tkun teknikament vijabbli.

3.6.

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwar il-forom possibbli ta’ kooperazzjoni mas-servizzi tas-sigurtà tal-UE u biex tuża l-għarfien espert tagħhom biex jiġu stabbiliti l-profili tar-riskju u tiġi kkumpilata l-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS.

3.7.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-pakkett tal-fruntieri intelliġenti, il-Kumitat enfasizza l-bżonn li jiġu rispettati b’mod rigoruż id-drittijiet fundamentali u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u li jintużaw il-mezzi proċedurali u istituzzjonali biex jiġi żgurat li d-data kollha miġbura u maħżuna fis-sistema tkun protetta u użata b’mod xieraq (11). Dan jikkonċerna b’mod partikolari data personali sensittiva dwar l-edukazzjoni, is-saħħa, il-kriminalità, eċċ. F’dan ir-rigward, il-Kumitat itenni t-talba tiegħu u jinsisti li l-aċċess għad-data marbuta mal-awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar għandha tkun limitata strettament għall-awtoritajiet li jinvestigaw l-attivitajiet kriminali, it-terroriżmu, l-immigrazzjoni illegali u theddid ieħor.

3.8.

Il-Kumitat jappoġġja l-istruttura proposta tal-ETIAS, li għandha tikkonsisti f’sistema ta’ informazzjoni, unità ċentrali tal-ETIAS fi ħdan il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (GEFK) u unitajiet nazzjonali. Ser ikun meħtieġ monitoraġġ tal-implimentazzjoni ugwali u bir-reqqa tal-ETIAS mill-Istati Membri kollha. Il-Kumitat jappoġġja l-ħolqien ta’ Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm, li huwa neċessarju biex tiġi żgurata interazzjoni effettiva bejn it-tim ta’ żvilupp ċentrali u l-Istati Membri, li rriżulta utli ħafna matul l-iżvilupp tas-SIS II.

3.9.

Il-Kumitat iħeġġeġ bis-sħiħ li l-ETIAS tkun kompletament interoperabbli u interkonnessa ma’ sistemi oħra ta’ informazzjoni Ewropej u mal-bażijiet tad-data tal-Interpol, u li jintużaw il-komponenti ta’ sistemi oħra Ewropej, b’mod partikolari tal-EES, filwaqt li jitqiesu b’mod xieraq id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data personali.

3.9.1.

F’dan ir-rigward, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni u lill-koleġislaturi biex iqisu l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fl-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta ta’ ETIAS (12), speċjalment ir-rekwiżiti biex jiġu rispettati d-distinzjonijiet sostanzjali bejn l-oqsma tal-migrazzjoni u tal-politika tas-sigurtà, biex tiġi limitata l-aċċessibbiltà tad-data personali, biex jiġu kkunsidrati l-affidabbiltà u l-utilità tad-data dwar is-saħħa miġbura, biex jiġu definiti aħjar l-għodod għal profiling għall-iskrinjar awtomatiku ta’ applikazzjonijiet u oħrajn.

3.10.

Il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS ser tikkonsisti f’data relatata mal-persuni li jkunu suspettati li kkommettew jew ħadu sehem f’reat kriminali serji kif definiti fil-proposta jew persuni li dwarhom hemm indikazzjonijiet fattwali jew bażijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li jistgħu jwettqu reati kriminali serji bħal dawn jew jirrappreżentaw riskji oħra għas-sigurtà jew is-saħħa. Il-Kumitat jissuġġerixxi li, b’rispett mal-istandards Ewropej, l-applikanti għandu jkollhom id-dritt li jkunu jafu r-raġunijiet għar-rifjut u għandu jkollhom il-possibbiltà li jappellaw.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-Kumitat jaqbel li l-perjodu ta’ żamma tad-data għandu jiġi stabbilit għal 5 snin, kif huwa l-każ fir-regolament tal-EES.

4.2.

Il-Kumitat jinsisti li l-ETIAS għandha tkun kapaċi tirrispondi b’mod flessibbli u effiċjenti għal bidliet fit-tendenzi ta’ migrazzjoni, ir-riskji għas-sigurtà u s-saħħa, mingħajr ma jkollha tgħaddi minn proċeduri leġislattivi fit-tul permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati, sakemm tkun soġġetta għal sorveljanza demokratika.

4.3.

L-ETIAS għandha tikkunsidra lil persuni li ma jkunux jistgħu japplikaw onlajn għal kwalunkwe raġuni serja. Il-Kumitat jappoġġja l-intenzjoni li jiġu provduti “kabini għall-applikazzjonijiet” għall-applikanti fl-ajruporti u l-portijiet marittimi tat-tluq ewlenin u wkoll fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri ewlenin fuq l-art. L-applikanti kollha għandhom jitħallew jużaw is-servizzi ta’ intermedjarji bħall-aġenziji tal-ivvjaġġar jew il-kumpaniji tat-trasport. Madankollu, l-ispejjeż mitluba minn dawn l-intermedjarji għal dawn is-servizzi għandhom jiġu mmonitorjati u evalwati minn delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi terzi.

4.4.

Minħabba ż-żieda mistennija fil-frekwenzi ta’ qsim tal-fruntieri esterni tal-UE (speċjalment il-fruntieri tal-art tagħha), għandha tintlaqa’ kwalunkwe opportunità biex tissaħħaħ l-effettività tal-kontrolli fuq il-fruntieri, kif iddikjarat fl-objettivi tar-Regolament. Il-Kumitat għalhekk jissuġġerixxi li ċerta informazzjoni li tinsab fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tkun disponibbli għall-awtoritajiet tal-fruntieri.

4.5.

Il-Kumitat jixtieq jevita l-effett ta’ restrinġiment fl-ETIAS minħabba li jitħalla perjodu qasir wisq għall-valutazzjoni manwali ta’ talbiet għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, għax għandu jkun hemm skrinjar ta’ kwalità għolja tal-applikanti li potenzjalment jinvolvi konsultazzjonijiet ma’ Stati Membri oħrajn u l-Europol. Għalhekk, il-Kumitat jissuġġerixxi li jiġu estiżi l-perjodi għall-valutazzjoni manwali u jiġu stabbiliti kriterji stretti għal estensjonijiet bħal dawn.

4.6.

Se jkun ukoll neċessarju li jiġu definiti sew il-kriterji għall-kategoriji proposti ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li se jkunu eżenti mill-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, b’kont meħud tar-riskji għall-migrazzjoni, is-sigurtà jew is-saħħa.

4.7.

Fir-rigward tal-miżata proposta għall-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, il-Kumitat jitlob li jiġu sodisfatti l-kriterji li ġejjin: il-miżata għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u l-mezzi biex din tinġabar m’għandhomx iwasslu biex ċerti gruppi ta’ nies ma jkunux jistgħu jitolbu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, u tista’ sservi wkoll bħala filtru li jipprevjeni s-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet multipli għal tali awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar.

4.8.

Għandu jkun hemm biżżejjed garanziji li l-ETIAS tkun immuni għall-frodi tal-identità, inkluż l-użu possibbli fil-ġejjieni ta’ data bijometrika.

4.9.

Il-Kumitat jappoġġja d-dritt tal-applikanti biex jappellaw kontra rifjut ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, jew kontra li din tiġi revokata jew annullata.

4.10.

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm xi Stati Membri li għadhom ma applikawx b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen (il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija) u għaldaqstant ma għandhomx aċċess għas-SIS, il-VIS u l-EES. Il-kwistjoni ta’ kif l-ETIAS għandha tiffunzjona f’dawn il-pajjiżi ma tissemmiex fil-proposta għal Regolament, u l-Kumitat jitlob li jinstabu soluzzjonijiet għal dawn l-Istati.

4.11.

Il-Kumitat jixtieq jenfasizza li fil-każ tat-trasport tal-passiġġieri fuq passaġġi fuq l-ilma interni, bħalma huma l-kruċieri tul id-Danubju, fejn jistgħu jitilgħu abbord passiġġieri ġodda li ma għandhomx bżonn viża biex jidħlu fl-UE f’pajjiż li mhuwiex membru ta-UE jew ma jagħmilx parti miż-żoni Schengen, l-ETIAS ser ikollha tapplika għall-qsim tal-fruntieri ta’ Schengen bl-ilma.

Brussell, is-27 ta’ April 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  L-Albanija, Andorra, Antigua u Barbuda, l-Arġentina, l-Awstralja, il-Bahamas, Barbados, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Brażil, il-Brunei, il-Kanada, iċ-Ċilì, il-Kolombja, il-Costa Rica, Dominica, El Salvador, Grenada, il-Gwatemala, il-Honduras, Hong Kong, l-Iżrael, il-Ġappun, Kiribati, il-Makaw, il-Maċedonja, il-Malasja, il-Gżejjer Marshall, il-Mawrizju, il-Messiku, il-Mikronesja, il-Moldova, Monako, il-Montenegro, in-New Zealand, in-Nikaragwa, Palau, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, Saint Kitts u Nevis, Saint Lucia, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, San Marino, is-Serbja, is-Seychelles, Singapore, il-Gżejjer Solomon, il-Korea t’Isfel, it-Tajwan, Timor Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Urugwaj, il-Vanuatu, il-Belt tal-Vatikan, il-Venezwela, ċittadini Brittaniċi tar-Renju Unit li mhumiex ċittadini tar-Renju Unit għall-finijiet tal-liġi tal-Unjoni Ewropea.

(2)  Bħalissa qed tiġi miftiehma jew negozjata sistema ta’ vvjaġġar mingħajr viża mal-Ukrajna, il-Georġia, il-Kosovo, u t-Turkija.

(3)  30 miljun talba kull sena.

(4)  Miljun talba kull sena.

(5)  3 miljun talba kull sena.

(6)  Opinjoni dwar is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ — Relatur Cristian Pîrvulescu (ĠU C 487, 28.12.2016, p. 66).

(7)  COM(2015) 670.

(8)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/794, (UE) 2016/1624 [COM(2016) 731 final tas-16 ta’ Novembru 2016].

(9)  L-ammonti mistennija ta’ kuljum kif stmati mill-Kummissjoni Ewropea huma: madwar 107 000 li 5 % tagħhom jirrikjedu proċessar manwali. 3-5 % ta’ dawn il-każijiet jistgħu jiġu solvuti fil-livell tal-unità ċentrali, filwaqt li l-bqija jmorru għand l-unitajiet nazzjonali.

(10)  SIS II, VIS, EES, EURODAC, ECRIS, il-Europol, il-bażijiet ta’ data tal-Interpol (SLTD, TDAWN).

(11)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 97.

(12)  Opinjoni tal-KEPD 3/2017 dwar il-Proposta għal Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar tas-6 ta’ Marzu 2017


28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 246/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, li jemenda d-Direttiva 94/22/KE, id-Direttiva 98/70/KE, id-Direttiva 2009/31/KE, ir-Regolament (KE) Nru 663/2009, ir-Regolament (KE) Nru 715/2009, id-Direttiva 2009/73/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE, id-Direttiva 2010/31/UE, id-Direttiva 2012/27/UE, id-Direttiva 2013/30/UE u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013”

[COM(2016) 759 final — 2016/0375/(COD)]

(2017/C 246/06)

Relatur:

Brian CURTIS

Konsultazzjoni

il-Parlament Ewropew, 16.1.2017

il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 20.1.2017

Bażi legali

Artikoli 191, 192 u 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni responsabbli

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

11.4.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

26.4.2017

Sessjoni tal-plenarja Nru

525

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

103/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Ir-Regolament dwar il-Governanza huwa maħsub biex jipprovdi mhux biss il-qafas kollu li permezz tiegħu se joperaw id-diversi aspetti tal-Unjoni tal-Enerġija iżda anke biex jiġu stabbiliti responsabbiltajiet ċari ta’ rapportar u proċess biex jintlaħqu l-miri klimatiċi u tal-enerġija kollha tal-UE għall-futur prevedibbli. Huwa parti kumplessa, estensiva u ta’ importanza vitali tal-leġislazzjoni.

1.2.

Mingħajr proċess ta’ governanza b’saħħtu mhuwiex esaġerat li wieħed jgħid li l-Unjoni tal-Enerġija tispiċċa fix-xejn u l-possibbiltajiet li l-UE tissodisfa l-impenji tagħha stess u dawk skont il-Ftehim ta’ Pariġi jonqsu sew. L-involviment tas-soċjetà ċivili, il-kooperazzjoni u l-appoġġ tal-Istati Membri u l-ftehim u l-impenn tal-imsieħba soċjali huma essenzjali għas-suċċess ta’ dan il-proċess. B’mod partikolari, irid ikun ċar li r-Regolament jiffaċilita tranżizzjoni ġusta tal-enerġija b’mod speċjali f’termini ta’ impjiegi u l-kostijiet tal-enerġija għall-familji u n-negozji.

1.3.

Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja r-Regolament dwar il-Governanza propost. Jelabora qafas li jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu l-għażliet bl-inqas kostijiet għall-pjani nazzjonali tal-enerġija u tal-klima tagħhom stess u jtaffi r-riskji ta’ assi ta’ infrastruttura mitlufa. Madankollu, dan mhuwiex probabbli li jseħħ sakemm ma jsirx tibdil fir-Regolament. Iridu jiġu pprovduti miżuri assoċjati ta’ appoġġ li jippermettu l-bini tal-kunsens soċjali fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali dwar kif l-aħjar li jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi u tekniċi tal-kisba ta’ tranżizzjoni ġusta tal-enerġija.

1.4.

Is-solidarjetà u s-sigurtà tal-enerġija huma ta’ importanza kruċjali u għalkemm huma wieħed mill-ħames oqsma ewlenin ta’ rappurtar u ta’ evalwazzjoni fir-regolament, jeħtieġ tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu stabbiliti diplomazija u politiki ċari u kondiviżi dwar l-enerġija fil-konfront ta’ pajjiżi terzi.

1.5.

Sakemm ma jissaħħaħx ir-Regolament dwar il-Governanza propost, il-kunċett kollu tal-Unjoni tal-Enerġija huwa mhedded minħabba li tiddgħajjef il-leġittimità tal-mandat tal-UE li tmexxi t-tranżizzjoni tal-enerġija. Hemm riskju serju wkoll li sakemm ma jittieħdux miżuri tanġibbli biex jiġu involuti ċ-ċittadini u li jirrikjedu l-obbligu ta’ rendikont, il-perċezzjoni tal-UE bħala entità remota u teknokratika tiġi aggravata.

1.6.

Jenħtieġ li jiġu ċċarati aktar termini fl-Artikolu dwar id-“Definizzjonijiet” tar-Regolament inklużi: “għanijiet”, “miri”, “kontribuzzjoni nazzjonali”, “konsultazzjoni”, “faqar enerġetiku” u “reġjonali”.

1.7.

Ir-Regolament jenħtieġ li jiddikjara b’mod ċar li qed iħares lil hinn mill-2030 u jinkludi l-impenn espliċitu tal-UE għall-mira dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2050 tagħha u idealment għall-impenn internazzjonali ġdid tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra għal żero sal-2050.

1.8.

L-Anness għar-Regolament jenħtieġ li jinkludi valuri ta’ referenza indikattivi għall-2030 (l-aħjar estimi tal-Kummissjoni) għall-kontributi nazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.

1.9.

Ir-Regolament jenħtieġ li jirrikjedi lill-Istati Membri jnaqqxu l-kontributi miftiehma tagħhom tal-2030 fil-liġi nazzjonali.

1.10.

Ir-Regolament jenħtieġ li jiddikjara b’mod ċar li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri individwali li jikkontribwixxu għall-miri globali tal-UE b’mod li jkun kemm adegwat kif ukoll proporzjonali.

1.11.

Jenħtieġ li jkun enfasizzat li d-data pprovduta mill-Istati Membri trid tkun rilevanti għall-perjodu ta’ rapportar u aġġornata u li jkunu fis-seħħ riżorsi u sistemi ta’ appoġġ adegwati biex ikun żgurat li dan huwa l-każ.

1.12.

Il-pjani nazzjonali għall-2030 għandhom jiġu żviluppati fuq il-bażi ta’ fehim u gwida skont strateġiji fit-tul sabiex irendu l-aktar numru ta’ benefiċċji (pereżempju, l-għażliet għall-perjodu ta’ żmien qasir ikunu iktar kosteffiċjenti jekk ikunu saru f’konformità mal-istrateġija għal perjodu fit-tul).

1.13.

Ir-Regolament jenħtieġ li jinkludi dispożizzjoni “ratchet” bħala mekkaniżmu li jikkontribwixxi għall-għan ambizzjuż tal-Ftehim ta’ Pariġi li ma jinqabiżx it-tisħin ta’ 1,5 oC ‘il fuq mil-livelli preindustrijali.

1.14.

“Definizzjoni ta’ referenza” għall-faqar enerġetiku jenħtieġ li tiġi inkluża fl-Anness biex tkun tista’ ssir analiżi komparabbli u konsistenti tad-data.

1.15.

Ir-Regolament jenħtieġ li jagħmilha ċara li huwa obbligatorju li l-Istati Membri jippubblikaw abbozz ta’ Pjani Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima (NECPs) fl-aktar stadju kmieni possibbli u li l-iterazzjonijiet sussegwenti kollha tal-pjan li qed jevolvi, inklużi l-kummenti u r-reazzjonijiet mill-Kummissjoni, l-imsieħba reġjonali u l-Istati Membri, se jkunu fid-dominju pubbliku.

1.16.

Jenħtieġ li jiġi pprovdut aktar dettall dwar il-valutazzjoni tal-kumpens għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji u n-natura tal-“pjattaforma finanzjarja” u jekk din tistax tintuża għall-ingranaġġ ta’ finanzjament addizzjonali. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-fondi jenħtieġ li jitwessa’ biex jinkludi miżuri ta’ effiċjenza enerġetika.

1.17.

Id-definizzjoni ta’ kooperazzjoni “reġjonali” jenħtieġ li ma tiġix limitata għall-prossimità ġeografika iżda tinkludi raggruppamenti ta’ stati b’riżorsi tal-enerġija komplementari, inklużi Stati li mhumiex Membri.

1.18.

L-Anness jenħtieġ li jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar in-natura, il-firxa u r-riżorsi tal-konsultazzjoni pubblika biex jiġu żgurati s-sensibilizzazzjoni u l-involviment konsistenti u infurmat taċ-ċittadini madwar l-UE.

1.19.

Jenħtieġ li tiġi kkunsidrata l-formazzjoni ta’ Unità Ewropea tal-Informazzjoni dwar l-Enerġija fiż-ŻEE.

1.20.

Jenħtieġ li jiġi żviluppat xenarju ta’ “Brexit” flimkien max-xenarju “28” u ż-żewġ xenarji jenħtieġ li jiġu diskussi b’mod parallel hekk kif jiġu vvalutati l-kontribuzzjonijiet nazzjonali.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-Ewropa attwalment tiffaċċja ħafna sfidi; dawn, kemm jekk politiċi, ekonomiċi kif ukoll tekniċi, jaffettwaw liċ-ċittadin individwali u konsegwentement jiffurmaw in-natura, u l-futur, tad-demokrazija tagħna. Għal ħafna snin l-enerġija kienet arena li fiha ħadmu forzi politiċi, tekniċi u ekonomiċi b’saħħithom. L-Unjoni tal-Enerġija, bil-viżjoni tagħha għall-istrateġija futura u koeżiva, hija l-istrument ewlieni tal-UE biex jiġi żgurat li l-enerġija tal-Ewropa hija sikura, affordabbli u ma tagħmilx ħsara lill-klima.

2.2.

Governanza effettiva tal-Unjoni tal-Enerġija mhijiex biss dwar il-bini tal-fiduċja tal-konsumaturi u l-investituri sabiex ikun jista’ jinkiseb benefiċċju massimu bl-inqas kost possibbli – hija kruċjali biex jintwera l-impenn tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi u biex l-UE taqbad it-triq biex taqbeż il-miri tal-enerġija u tal-klima għall-2050. Għalhekk, it-twettiq tar-Regolament dwar il-Governanza joffri lill-Ewropa opportunità vitali biex turi l-valur tagħha liċ-ċittadini, l-Istati Membri u d-dinja. Huwa partikolarment vitali minħabba li jmur lil hinn mill-qasma bejn l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet u r-Regolament dwar il-Qsim tal-Isforzi f’termini li jwassal lill-Istati Membri biex jibdew jippjanaw għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija kollha.

2.3.

F’April tal-2015 il-KESE adotta Opinjoni esploratorja mitluba mill-Kummissjoni Ewropea dwar L-iżvilupp tas-sistema ta’ governanza proposta fil-kuntest tal-qafas dwar il-klima u l-enerġija għall-2030  (1). Minn dak iż-żmien s’issa ċertament il-ħtieġa għal azzjoni dwar l-enerġija u l-klima saret aktar urġenti kif ukoll il-ħtieġa li titħaddan perspettiva fuq terminu twil dwar il-governanza tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Dan ir-Regolament propost issa jistabbilixxi r-rekwiżiti għal Pjani Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima (NECPs) integrati, u proċess semplifikat biex dawn jiġu stabbiliti u previsti. Madankollu, f’dawn l-aħħar sentejn, il-fiduċja taċ-ċittadini fit-tmexxija politika u istituzzjonali u l-koeżjoni politika madwar l-UE inġenerali ddgħajfet, u b’hekk l-isfida tal-governanza saret simultanjament aktar neċessarja u aktar diffiċli.

2.4.

Barra minn hekk, il-Ftehim ta’ Pariġi ta’ Diċembru 2015 ippreveda ftehim fuq livell globali ffirmat b’mod konġunt u in solidum mill-UE u l-Istati Membri tagħha fejn impenjaw ruħhom għal Kontributi Determinati fil-Livell Nazzjonali (NDCs – Nationally Determined Contributions), li jistgħu jitqiesu li għandhom l-istess termini bħal dawk f’dan ir-Regolament. Barra dan, qabel li jiġu segwiti sforzi biex iż-żieda fit-temperatura globali tiġi limitata għal 1,5  oC ‘il fuq mil-livelli preindustrijali – aspirazzjoni li tirrikjedi ppjanar fuq terminu twil u li titlob miri li probabbilment ikunu aktar ambizzjużi minn dawk sa issa miftiehma għall-2050 mill-UE.

2.5.

Fl-Opinjoni tiegħu tal-2015, il-KESE antiċipa dawn ix-xejriet u ħa approċċ pragmatiku, fejn ra n-neċessità għall-edukazzjoni, l-informazzjoni u l-involviment profond u estensiv taċ-ċittadini bħala prekursur għal kwalunkwe proposta dwar il-governanza li tirnexxi. Hemm ftit sinjali li jindikaw li dan ikun seħħ. Il-governanza – bl-implikazzjonijiet tagħha għal rekwiżiti vinkolanti fuq azzjoni sovrana nazzjonali – hija qasam sensittiv, mhux l-inqas fl-enerġija fejn iċ-ċirkostanzi tal-Istati Membri jvarjaw b’mod wiesgħa. Barra minn hekk, kwalunkwe proċess jeħtieġ li jiġi komplementat minn miżuri mhux leġislattivi u azzjoni biex jiġi ggarantit is-suċċess.

2.6.

Fl-2001 il-Kummissjoni Ewropea adottat White Paper dwar il-governanza (2). Din tistabbilixxi ħames prinċipji ta’ governanza tajba li għadhom validi (iżda li mhux dejjem jiġu implimentati):

Ftuħ

Parteċipazzjoni

Obbligu ta’ Rendikont

Effettività

Koerenza

Dawn jirriflettu l-prinċipji u l-valuri li l-KESE jappoġġja iżda kieku nżidu magħhom prinċipju ieħor ta’ “tranżizzjoni ġusta” fil-kuntest tar-Regolament propost.

2.7.

Is-sistema ta’ governanza trid tippermetti wkoll l-espressjoni kontinwa ta’ opinjonijiet, preferenzi, perċezzjonijiet u valuri biex jinfurmaw kontinwament id-deċiżjonijiet u biex tiġi perfezzjonata l-politika. Il-governanza trid tinvolvi l-iżgurar ta’ proċessi robusti u leġittimi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet iżda trid tippermetti wkoll li dawk l-għażliet jiġu mfassla għaċ-ċirkostanzi nazzjonali u jiġu adattati għal avvenimenti mhux previsti maż-żmien. Dan ma jfissirx tibdil frekwenti tad-direzzjoni. Għall-kuntrarju, dan ifisser li d-direzzjoni globali hija protetta permezz tal-impenn għal miri fil-qrib u fuq terminu twil konsistenti max-xjenza klimatika u proċess stabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kif jintlaħqu dawk il-miri – effettivament, aktar konsistenza u dinamiki inklużivi.

3.   Il-kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1.

Ir-Regolament dwar il-Governanza propost, li jfittex li jiżgura li l-politiki u l-miżuri li jiffurmaw l-Unjoni tal-Enerġija huma koerenti, komplementari u ambizzjużi biżżejjed, huwa bbażat fuq żewġ oqsma koeżivi. L-ewwel wieħed ifittex li jissemplifika u jintegra aħjar l-ippjanar, ir-rapportar u l-monitoraġġ ta’ obbligi fl-NECPs u t-tfassil tal-pjani tal-2050 u r-rapporti ta’ progress sussegwenti, b’saff ta’ monitoraġġ integrat tal-Kummissjoni fil-livell tal-UE; it-tieni jissuġġerixxi proċess ta’ governanza politika bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali. Jekk il-proposta tiġi miftiehma kif deskritt (miżuri leġislattiva ġdida u reviżjonijiet tal-leġislazzjoni sekondarja eżistenti) tirrappreżenta mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ġdid bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

3.2.

B’kollox, ir-Regolament propost joffri pedament leġislattiv li fih, aktar minn 50 obbligu individwali eżistenti ta’ ppjanar, ta’ rapportar u ta’ monitoraġġ tal-acquis dwar l-enerġija u l-klima huma integrati (31) jew imħassra (23). Japplika għall-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija: is-solidarjetà u s-sigurtà tal-enerġija, is-suq tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika, id-dekarbonizzazzjoni u r-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività. Jiddefinixxi f’xi dettall il-kontenut tal-NECPs integrati li, minn Jannar tal-2019 u kull għaxar snin wara dan, huma meħtieġa minn kull Stat Membru u jkopri dawn il-ħames dimensjonijiet. huma meħtieġa konsultazzjoni pubblika u kooperazzjoni reġjonali, flimkien ma’ aġġornament kull ħames snin tal-ewwel pjani u l-pjani sussegwenti. Ir-riżultati ewlenin huma kontribuzzjonijiet nazzjonali fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika u l-produzzjoni ta’ pjani għall-2050 għad-dekarbonizzazzjoni ekonomika.

3.3.

Isir provvediment għall-Kummissjoni biex tivvaluta l-pjani, l-aġġornamenti tagħhom u azzjoni konsegwenti mill-Istati Membri wara rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni. Struttura ta’ rapportar biennali dettaljat li trid tiġi osservata mill-Istati Membri hija stabbilita b’rekwiżiti dettaljati dwar politiki, miżuri u projezzjonijiet tal-gassijiet serra, azzjonijiet ta’ adattament nazzjonali, appoġġ finanzjarju u teknoloġiku fornit lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, introjtu mill-irkantar, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, is-sigurtà tal-enerġija, is-suq intern tal-enerġija u r-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività. Hija proposta “pjattaforma tar-rapportar elettroniku” għal dawn ir-rapporti.

3.4.

Ir-Regolament jinkludi klawżoli dettaljati dwar il-valutazzjoni, is-segwitu u mekkaniżmu ta’ rakkomandazzjoni u rispons fejn jitqies li ma hemmx biżżejjed ambizzjoni jew progress. Il-provvediment ta’ qafas estensiv u obbligatorju għall-NECPs jgħin biex jiġu żgurati l-komparabilità u l-konsistenza. Jeżisti rekwiżit biex Stat Membru jagħmel kontribuzzjoni finanzjarja għal pjattaforma finanzjarja li tkopri kwalunkwe nuqqas fir-rigward ta’ miri miftiehma tal-linja ta’ referenza tal-enerġija rinnovabbli. Ir-rapport annwali tal-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija għandu jinkludi rapporti komprensivi dwar dawn l-oqsma. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tingħata rwol speċifiku u estensiv fl-assistenza tal-Kummissjoni.

3.5.

Ir-Regolament huwa komplementari għal u konsistenti mas-Semestru Ewropew, u fejn kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika tal-enerġija u l-klima huma rilevanti għar-riformi makroekonomiċi jew strutturali, xorta jistgħu jiġu indirizzati mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-proċess tas-Semestru Ewropew.

4.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

4.1.    Objettivi, Miri u Kontributi

4.1.1.

Ir-Regolament dwar il-Governanza jipprovdi qafas dettaljat għall-NECPs u proċess ta’ rapportar, valutazzjoni u aġġustament sussegwenti. Huwa bbażat fuq l-istabbiliment ta’ objettivi, il-monitoraġġ ta’ miri u l-kisba ta’ kontributi. Madankollu, ma jinstabux spjegazzjonijiet ta’ dawn it-termini fl-Artikolu 2 – Definizzjonijiet, omissjoni li jenħtieġ li tiġi rimedjata.

4.1.2.

Il-KESE jappoġġja u japprova l-oqfsa dettaljati pprovduti fl-Anness 1 għall-NECP obbligatorju. Dawn jissostitwixxu pjani separati għall-effiċjenza enerġetika u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. L-obbligu li kull Stat Membri jistabbilixxi kontribuzzjonijiet nazzjonali f’dawn l-oqsma huwa partikolarment vitali u li meta aggregat jenħtieġ li jikseb, bħala minimu, il-miri globali miftiehma fil-livell tal-UE.

4.1.3.

Il-KESE, fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu, argumenta b’mod sod u konsistenti, favur miri nazzjonali vinkolanti (3). Għamel dan minħabba fil-ħafna fallimenti f’politiki tal-enerġija fil-passat minħabba f’implimentazzjoni dgħajfa. Jekk jiġu applikati, aġġustati u infurzati b’mod rigoruż il-kontributi tal-NECP jistgħu jiksbu riżultat ekwivalenti għal miri vinkolanti. Madankollu, biex dan isir realtà, jeħtieġ li jiġu indirizzati numru ta’ dgħufijiet f’din il-proposta.

4.1.4.

Il-linja ta’ referenza għal kontributi nazzjonali dwar l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli huma l-impenji miftiehma diġà indikati mill-Istati Membri li jridu jinkisbu sal-2020. Madankollu, ir-Regolament jissaħħaħ jekk jinkludi valuri ta’ referenza indikattivi għall-2030 għall-kontributi tal-Istati Membri. Dawn iridu jiġu determinati fi kwalunkwe każ bħala bażi għad-djalogu ta’ aġġustament u se jħaffu l-proċess iterattiv li huwa previst jekk jitressqu u jsiru pubbliċi fi stadju bikri.

4.1.5.

Xi pajjiżi stabbilew il-miri tal-enerġija tagħhom għall-2020 fil-liġi nazzjonali. Il-KESE jemmen li r-Regolament jenħtieġ li jirrikjedi li l-Istati Membri jnaqqxu l-kontributi miftiehma tagħhom għall-2030 fil-liġi nazzjonali biex jagħtu saħħa lill-miri permezz ta’ imperattiv leġislattiv. Madankollu, l-esperjenza turi li anke l-obbligi ġuridiċi ma jistgħux neċessarjament jiggarantixxu twettiq u huwa għalhekk li nenfasizzaw l-importanza ta’ governanza tajba bħala proċess stabbli biex jiġi żgurat il-progress u aktar tard f’din l-Opinjoni nenfasizzaw b’mod partikolari l-importanza ta’ dispożizzjonijiet ħafna aktar b’saħħithom biex jiġi permess u garantit l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-governanza.

4.1.6.

Biex tkompli tissaħħaħ l-importanza tal-“kontributi” nazzjonali, ir-Regolament, kemm fil-każ tal-effiċjenza enerġetika kif ukoll tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, jenħtieġ li jiċċara li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri individwali li jikkontribwixxu għall-miri globali tal-UE b’mod li jkun adegwat u proporzjonat. Fil-preżent, dan l-obbligu huwa responsabbiltà kollettiva.

4.2.    Il-proċess ta’ rapportar

4.2.1.

Il-KESE jilqa’ l-proċess ta’ rapportar meħtieġ mill-Istati Membri u r-rwol analitiku/kritiku dwar dawn ir-rapporti mogħti lill-Kummissjoni flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Analiżi preċiża, soda u kuraġġuża se tkun essenzjali jekk ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet konsegwenti tal-Kummissjoni jridu jkunu effettivi. Huwa essenzjali wkoll li d-data tkun rilevanti għall-perjodu tar-rapportar u aġġornata kif enfasizzat fl-Opinjoni tal-KESE dwar L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2015 (4).

4.2.2.

Għalkemm id-data meħtieġa mill-proċess ta’ rapportar hija allinjata ma’ dak li hu meħtieġ skont il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, l-aġġornamenti tal-NECP iseħħu qabel it-tlestija tal-bilanċ globali kull ħames snin tal-Ftehim ta’ Pariġi u dan itawwal b’mod sinifikanti r-rispons għal kwalunkwe titjib fil-Kontributi Determinati fil-Livell Nazzjonali (NDC) tal-UE. Dan huwa mminar mhux aċċettabbli tal-governanza allinjata minħabba li l-UE issa ffirmat il-Ftehim ta’ Pariġi. Jenħtieġ li tittieħed l-opportunità biex ikun żgurat is-sekwenzjar xieraq tar-reviżjonijiet tal-NDC tan-NU u tal-UE.

4.2.3.

Ir-Regolament jenħtieġ li jinkludi dispożizzjoni “ratchet” bħala mekkaniżmu li jikkontribwixxi għall-għan ambizzjuż tat-tisħin ta’ 1,5 oC ‘il fuq mil-livelli preindustrijali. Dan jista’ jkun permezz ta’ proċess tal-adozzjoni tal-baġits tal-karbonju f’5 sa 10 stadji li fihom l-UE timpenja ruħha biex tikseb żero emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra sal-2050.

4.2.4.

Ir-Regolament jirrikjedi li l-NECP jinkludi, fost l-oħrajn, valutazzjoni tal-impatt dwar kwistjonijiet soċjali u objettivi speċifikament nazzjonali dwar il-faqar enerġetiku u programm ta’ azzjoni. Il-KESE kien partikolarment ikkonċernat b’din il-kwistjoni u jilqa’ din l-inklużjoni. Madankollu, l-NECPs huma liberi li jiddeterminaw id-definizzjoni tagħhom stess ta’ faqar enerġetiku li tagħmel it-tqabbil ta’ data madwar l-Istati Membri impossibbli, u għaldaqstant dan jimmina l-possibbiltajiet tal-UE li tagħmel tranżizzjoni ġusta u l-probabbiltà ta’ oppożizzjoni pubblika għat-tranżizzjoni stess. Għalhekk, nirrakkomandaw li r-Regolament jinkludi definizzjoni ta’ referenza sempliċi. Dan ma jkunx vinkolanti għall-Istati Membri li jadottawha għal finijiet interni iżda jistabbilixxi kriterju skont liema l-NECPs ikunu meħtieġa jirrapportaw. Eżempju ta’ din id-definizzjoni tkun “il-faqar enerġetiku jeżisti meta familja tonfoq aktar minn 10 % tal-introjtu disponibbli fuq enerġija għat-tisħin u t-tkessiħ għal livell adegwat.” F’xi pajjiżi din id-definizzjoni ppermettiet li jiġi vvalutat il-progress – jew inkella – li jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku iżda n-natura multifattorjali tal-problema tista’ tirrikjedi definizzjoni li tinkludi elementi oħra.

4.3.    Trasparenza, obbligu ta’ rendikont u infurzar

4.3.1.

Il-Kumitat jinnota li ħafna mil-leġislazzjoni preċedenti relatata mal-enerġija sofriet minn dewmien jew ineżattezza fit-traspożizzjoni u l-infurzar. L-Istati Membri jridu għalhekk jagħmlu sforz massimu, fi spirtu ta’ solidarjetà u impenn, biex japplikaw rieda politika, u riżorsi amministrattivi għall-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament. Hemm skeda ta’ żmien eċċezzjonalment esiġenti. Abbozz ta’ NECPs – li preċedentement kienu soġġetti għal proċess ta’ konsultazzjoni effettiva u djalogu reġjonali, jeħtieġ li jingħata lill-Kummissjoni fl-1 ta’ Jannar 2018. Dan jimplika li l-NECPs u d-djalogi assoċjati mal-partijiet ikkonċernati u l-imsieħba reġjonali diġà qed jiġu żviluppati. Il-KESE japprezza li d-domandi ta’ qafas ġdid u miri għall-perjodu tal-2020-2030 qed imexxu dan il-proċess iżda huwa kkonċernat li mingħajr il-fehim u l-involviment essenzjali taċ-ċittadini, il-leġittimità tal-politika tal-enerġija tal-UE tista’ tiġi mminata, b’mod partikolari fost konsumaturi li qed jiffaċċjaw kostijiet tal-enerġija li qed jogħlew.

4.3.2.

Il-proċess ta’ governanza previst jinkludi ftit li xejn f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sanzjoni evidenti għal sottoambizzjoni jew nuqqas ta’ konformità. It-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont huma essenzjali jekk il-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari ċ-ċittadini, jridu jeżerċitaw l-influwenza. Il-KESE għalhekk jissuġġerixxi li jiġi stabbilit korp indipendenti tal-partijiet ikkonċernati biex jiġu żgurati r-rappreżentanza u l-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati effettivi f’kull Stat Membru u li dan il-korp jippubblika r-rapport annwali tiegħu stess dwar il-proċess ta’ governanza u d-djalogu ta’ akkumpanjament. (Ara 4.6)

4.3.3.

It-trasparenza ta’ spiss hija msemmija fir-Regolament iżda l-KESE huwa kkonċernat li mhuwiex ċar jekk il-pubblikazzjoni bikrija u l-aċċess pubbliku għal kull stadju tal-iżvilupp tal-NECP humiex obbligatorji. Fil-preambolu ssir referenza – iżda mhux fl-Artikoli tar-Regolament – għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus iżda l-Kumitat iqis dan bħala mhux adegwat. Ir-Regolament jenħtieġ li jagħmilha ċara li huwa obbligatorju li l-Istati Membri jippubblikaw abbozz ta’ Pjani Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima (NECPs) fl-aktar stadju kmieni possibbli u li l-iterazzjonijiet sussegwenti kollha tal-pjan li qed jevolvi, inklużi l-kummenti u r-reazzjonijiet mill-Kummissjoni, l-imsieħba reġjonali u l-Istati Membri, se jkunu fid-dominju pubbliku.

4.3.4.

Minħabba r-rwol vitali tat-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli, tinħtieġ aktar ċarezza dwar in-natura u l-funzjonament tal- “pjattaforma ta’ finanzjament” (Artikolu 27) u kif jista’ jitqiegħed valur finanzjarju fuq kwalunkwe nuqqas fil-provvista tal-enerġija rinnovabbli. Pereżempju, huwa previst li din il-pjattaforma se tingrana l-flus tas-settur privat abbażi tal-“kontribuzzjonijiet” tal-Istati Membri? Huwa ssuġġerit li r-riżorsi akkumulati f’din il-pjattaforma jistgħu jiġu applikati għal miżuri tal-effiċjenza enerġetika kif ukoll għall-provvista tal-enerġija rinnovabbli.

4.3.5.

Għad hemm xi inċertezza fir-rigward ta’ kif ir-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni, sussegwenti għall-proċess ta’ rapportar annwali, se jiġu infurzati jekk ma jkunx hemm azzjoni fil-pront mill-Istati Membri. Jekk dan iseħħ permezz tal-proċedura ta’ ksur normali dan ċertament se jkun bil-mod wisq biex ikun effettiv fl-iskeda taż-żmien?

4.4.

Aħna nappoġġjaw għalkollox id-dispożizzjonijiet għal kooperazzjoni reġjonali obbligatorja bejn l-Istati Membri fit-titjib tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-miżuri u fit-trawwim tal-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-enerġija. Madankollu, nissuġġerixxu li t-terminu “reġjonali” jeħtieġ li jkun kopert fl-Artikolu 2, Definizzjonijiet, sabiex il-Kummissjoni tissuġġerixxi u tinforza l-involviment fejn dan ma jkunx qed iseħħ. Fil-preżent, hemm il-possibbiltà li “reġjonali” tinftiehem bħala ‘fi ħdan l-istat (intra-state) aktar milli “bejn stat u ieħor” (inter-state) jew li “reġjun” ikun definit ġeografikament għall-kuntrarju ta’ raggruppar ta’ stati b’riżorsi tal-enerġija komplementari.

4.5.

B’mod partikolari, aħna ninnotaw b’diżappunt kbir li l-Artikolu 10 dwar il-Konsultazzjoni Pubblika mhuwiex speċifiku u adegwat u jonqos milli jwettaq il-proposta tal-KESE għal Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija (EED) estensiv – xi ħaġa li tilħaq liċ-ċittadini/konsumaturi b’mod dirett u konsistenti u toffri edukazzjoni u involviment fil-livell taċ-ċittadini f’dak li, f’ħafna Stati Membri, se jkun pakkett diffiċli ħafna biex jinbiegħ. Dan id-djalogu huwa importanti wisq biex jiġi indirizzat, jekk jiġi indirizzat, taħt l-intestatura ta’ “miżuri mhux leġislattivi” u jenħtieġ li jingħata sustanza permezz ta’ klawżola addizzjonali għall-Artikolu 10. Dan l-Artikolu jonqos milli jissodisfa l-istandards tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika li tistabbilixxi l-istandards għall-governanza ambjentali trasparenti u parteċipattiva li parti essenzjali tagħha huwa l-ippjanar tal-enerġija u tal-klima.

4.6.

Għalhekk, intennu li hija l-opinjoni tal-KESE li l-proċess ta’ governanza kif stabbilit f’dan ir-Regolament mhuwiex se jkun kapaċi jikseb l-NDCs mingħajr l-involviment u l-appoġġ tas-soċjetà ċivili madwar l-Ewropa. Biex tintrebaħ il-fiduċja u l-involviment taċ-ċittadini, dan id-djalogu jenħtieġ li jkun indipendenti mill-gvern u l-proċess tal-NECP. Jenħtieġ li joffri fokus biex jiġu infurmati l-konsumaturi, biex jgħin lill-fornituri tal-enerġija jinvolvu ruħhom u jibnu fiduċja u jipprovdi kanal għall-ħafna preokkupazzjonijiet ta’ gruppi differenti dwar is-sigurtà, l-affordabilità u s-sostenibbiltà tal-enerġija. Il-KESE ddikjara r-rieda tiegħu li jkollu rwol f’dan il-proċess li waqqaf l-EED (Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija) billi fassal u pparteċipa f’xi aspetti tal-konsultazzjonijiet nazzjonali organizzati. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-djalogu jeħtieġ li jibni fuq riżorsi aktar wiesgħa u impenn nazzjonali estensiv. Fil-qosor, se jkunu meħtieġa dawn il-passi:

Se jitwaqqaf mekkaniżmu sabiex jiġi stabbilit fond kollettiv indipendenti u mingħajr preġudizzju li se jittieħed primarjament minn partijiet ikkonċernati tul il-katina tal-produzzjoni u l-provvista tal-enerġija, supplementati b’appoġġ adegwat mill-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri. B’mod ġenerali, l-EED se jkun kosteffettiv ħafna fil-mod kif jinvolvi lill-konsumaturi ta’ kull tip fil-modulazzjoni tal-enerġija u kif jagħraf u jistimola l-kontribut tal-prosumaturi.

B’mod parallel mal-gwida dwar l-istruttura tal-pjani nazzjonali, l-EED, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha, se jiżviluppa linji gwida dwar l-istabbiliment ta’ djalogi nazzjonali dwar l-enerġija.

Se tiġi stabbilita struttura indipendenti għalkollox ta’ koordinazzjoni tal-EED biex tinkoraġġixxi azzjoni u implimentazzjoni f’kull Stat Membru. Din l-istruttura jenħtieġ li tikkontribwixxi, fost l-oħrajn, għar-reviżjoni neċessarja mill-Kummissjoni tal-kontenut u l-ambizzjoni tal-pjani nazzjonali kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom. Dan se jenfasizza l-kontribuzzjoni li l-partijiet ikkonċernati jistgħu jagħmlu għall-formazzjoni tal-politika u jissodisfa r-rekwiżit għal konsultazzjoni effettiva inkluża fir-Regolament.

Se jkun hemm dibattitu dwar il-pjani nazzjonali u diskussjonijiet reġjonali ma’ gruppi tal-EED nazzjonali tal-viċinat. Se jsegwu diskussjonijiet fil-livell tal-UE bejn il-gruppi ta’ djalogu kollha tal-enerġija. Dawn id-diskussjonijiet, mgħoddija permezz ta’ struttura ta’ koordinazzjoni indipendenti, jenħtieġ li jkollhom funzjoni konsultattiva mal-istituzzjonijiet tal-UE u jsaħħu l-kosteffettività tal-politiki tal-UE u l-Istati Membri.

4.7.

Il-KESE jissuġġerixxi li Unità Ewropea tal-Informazzjoni dwar l-Enerġija tiġi stabbilita fiż-ŻEE biex tieħu responsabbiltà għall-assemblaġġ tad-data u l-proċessi ta’ evalwazzjoni involuti mar-Regolament dwar il-governanza. Jenħtieġ li taħdem mill-qrib mal-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku propost u tipprovdi servizzi ta’ informazzjoni għad-Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija fil-livell nazzjonali.

4.8.

Is-sigurtà tal-enerġija hija waħda mill-ħames oqsma ta’ rapportar u ta’ valutazzjoni ewlenin fir-Regolament u f’dan il-qasam, b’mod partikolari, se tirrikjedi djalogu reġjonali estensiv. Il-Kumitat diġà nnota li l-UE teħtieġ diplomazija u politika tal-enerġija ċari u kondiviżi lejn il-pajjiżi terzi (5). Is-sigurtà u s-solidarjetà tal-enerġija huma indikati mill-Kummissjoni bħala l-ewwel pilastru ta’ Unjoni tal-Enerġija komuni, iżda mingħajr ftehimiet u sħubiji b’saħħithom mal-atturi dinjija ewlenin u mingħajr politika tal-enerġija komuni ma jistax jinkiseb dan ir-riżultat.

4.9.

Il-KESE huwa mħasseb dwar l-impatt tal-Brexit fuq il-proċess ta’ governanza. L-ewwel nett, il-proċess previst mir-Regolament attwalment jassumi li s-sħubija tar-Renju Unit u l-NDCs se jiġu vvalutati fuq din il-bażi. L-NECPs finali se jiġu determinati qabel ma r-Renju Unit joħroġ formalment mill-UE iżda f’dan il-punt jeħtieġ li jsiru aġġustamenti kbar biex jiġi permess l-irtirar tal-NDCs tar-Renju Unit mill-kontribuzzjoni globali tal-UE. Nissuġġerixxu li l-Kummissjoni tiżviluppa xenarju ta’ Brexit flimkien max-xenarju “28” u li ż-żewġ xenarji jiġu diskussi b’mod parallel. It-tieni nett, il-ħruġ tar-Renju Unit ikollu impatt kbir fuq il-bilanċ politiku u l-istrateġija diplomatika rilevanti għal kull waħda mill-ħames kategoriji tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament – b’mod partikolari għas-sigurtà tal-enerġija.

Brussell, is-26 ta’ April 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

George DASSIS


(1)  ĠU C 291, 4.9.2015, p. 8.

(2)  COM(2001) 428 final.

(3)  ĠU C 424, 26.11.2014, p. 39ĠU C 75, 10.3.2017, p. 103.

(4)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 117.

(5)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 117.


28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 246/42


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija”

[COM(2016) 761 final — 2016/0376 (COD)]

(2017/C 246/07)

Relatur:

Mihai MANOLIU

Konsultazzjoni

Il-Kunsill, 9.12.2016

Il-Parlament Ewropew: 12.12.2016

Bażi legali

Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

11.4.2017

Adottata fil-plenarja

26.4.2017

Sessjoni plenarja Nru

525

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

115/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Hemm bżonn li ċ-ċittadini tal-Ewropa jipparteċipaw b’mod attiv fil-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija, li jieħdu inizjattiva u jikkooperaw f’kuntest ta’ proġetti komuni, u li jagħmlu ħilithom sabiex jitneħħew l-ostakli ekonomiċi, amministrattivi u regolatorji. L-għan komuni għandu jkun li jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-COP21, bid-diversi vantaġġi li jirriżultaw minnu: investimenti ġodda (rinnovazzjoni tal-bini, titjib fil-kumdità, qari bil-miters intelliġenti u sostenibbli) li kapaċi joħolqu impjiegi, tnaqqis tal-livell ta’ faqar enerġetiku, tnaqqis tat-tniġġis u titjib fil-livell tas-saħħa tal-popolazzjoni, jew saħansitra tnaqqis tad-dipendenza fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-enerġija. Il-KESE jitlob li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b’mod aktar qawwi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija, peress li l-għanijiet il-ġodda proposti għall-2030 huma aktar ambizzjużi minn dawk stabbiliti għall-2020.

1.2.

L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija importanti ferm għall-futur tas-sistema tal-enerġija Ewropea. Li tissaħħaħ l-effiċjenza fl-enerġija fl-oqsma kollha fejn tintuża l-enerġija jista’ jkun mod b’saħħtu biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-ekonomija Ewropea u, fuq kollox, il-prinċipju tal-effiċjenza fl-enerġija jista’ jsir fattur li jtejjeb l-aċċessibbiltà finanzjarja. Dan il-prinċipju jitlob li titnaqqas id-domanda ta’ infrastrutturi anċillari, li jiswew ħafna. L-obbligi fir-rigward tal-iffrankar tal-enerġija huma kompatibbli mal-iżvilupp sostenibbli (sitwazzjoni sostenibbli u sigura) u jkun jaqbel li jintużaw is-sinerġiji biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni effiċjenti għal sistema tal-enerġija reżiljenti u b’livell baxx ta’ karbonju li tkun intelliġenti (sistemi ta’ distribuzzjoni suprareġjonali, ġestjoni tad-domanda, sistemi ta’ ħażna).

1.3.

Il-KESE jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni, fir-rigward ta’ mira vinkolanti ta’ effiċjenza fl-enerġija ta’ 30 % għall-2030, iżda jqis li għandha tingħata l-ġustifikazzjoni mistħoqqa għall-inizjattiva biex il-mira tiżdied minn 27 %, billi jintwerew il-vantaġġi ekonomiċi relatati u l-livell ta’ investimenti meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Huwa importanti ħafna li l-valutazzjoni tal-impatt tieħu kunsiderazzjoni tal-miżuri kollha stabbiliti permezz tal-pakketti leġislattivi dwar l-enerġija u l-klima.

1.4.

Il-KESE jitlob li, sabiex jingħelbu l-ostakli ewlenin li jxekklu l-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija, jiżdied il-livell ta’ sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi finali, permezz ta’ attivitajiet ta’ promozzjoni u komunikazzjoni dwar is-sistemi tal-effiċjenza tal-enerġija, kif ukoll dwar il-miżuri alternattivi. Jeħtieġ li jkunu possibbli investimenti addizzjonali, fejn kull Stat Membru għandu jiżviluppa azzjonijiet kredibbli ta’ informazzjoni, komunikazzjoni, edukazzjoni u assistenza li jħeġġu liċ-ċittadini u lin-negozji sabiex jaċċelleraw il-proċess u jintlaħaq l-objettiv politiku fir-rigward tal-klima u l-effiċjenza fl-enerġija.

1.5.

Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu aktar attenzjoni lil unitajiet domestiċi affettwati mill-faqar enerġetiku u lill-akkomodazzjoni soċjali, li għalihom għandhom jitnaqqsu b’mod sostenibbli l-ispejjeż tal-enerġija. Għan importanti ieħor f’dan ir-rigward huwa li tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija tal-istokk ta’ bini residenzjali u li jiġu stabbiliti standards minimi għal abitazzjonijiet mikrija (awditjar tal-enerġija).

1.6.

Il-KESE jinnota l-importanza ta’ edukazzjoni lill-konsumaturi finali dwar it-tekniki ta’ ġenerazzjoni kkombinata tas-sħana u tal-elettriku (koġenerazzjoni, arja kundizzjonata), dwar il-miters intelliġenti u l-konsum u dwar il-pjani ta’ rinnovazzjoni. Din l-azzjoni hija wkoll essenzjali sabiex tħeġġeġ lill-investituri, lill-awtoritajiet pubbliċi u lin-negozji u tagħtihom il-fiduċja meħtieġa biex iwettqu proġetti b’potenzjal kbir ta’ effiċjenza u anke jipparteċipaw fl-iffinanzjar għar-riċerka u l-iżvilupp.

1.7.

Il-KESE jixtieq li d-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-istrumenti finanzjarji Ewropej (self, garanziji u ekwità biex jattiraw finanzjament, għotjiet) ikunu tali li jkollhom l-effett li jattiraw anke finanzjament privat għal proġetti tal-enerġija. Ikun jaqbel li ma jintesiex is-settur tal-għotjiet għal proġetti b’impatt soċjali qawwi. Reġimi finanzjarji bħal dawn għandhom jiġu pprovduti għal proġetti mmirati lejn konsumaturi bi dħul baxx. Huwa ssuġġerit li, għall-pjani nazzjonali, jitfasslu linji gwida dwar it-trasparenza u l-komparabbiltà. Il-KESE jqis li bħala prijorità għandu jingħata appoġġ lill-familji affettwati mill-faqar enerġetiku, biex b’hekk jiġi żgurat qafas ta’ politika stabbli fit-tul għall-Istati Membri, bl-għan ta’ żvilupp lokali sostenibbli.

1.8.

Il-KESE huwa tal-fehma li dan jista’ jsir permezz ta’ assistenza teknika għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija, permezz ta’ skemi ta’ finanzjament innovattivi li jibbażaw fuq is-suq. Fir-rigward tal-ħruġ ta’ inċentivi finanzjarji, element kwantitattiv li jaqdi rwol ewlieni huwa l-awditjar tal-enerġija (id-definizzjoni tal-SMEs, it-tneħħija ta’ ċertifikazzjoni doppja, l-istabbiliment ta’ approċċ uniformi f’dak li għandu x’jaqsam mal-limitu de minimis applikat), li joffri kemm strument biex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija kif ukoll vantaġġ f’termini ta’ kompetittività. Ikun jaqbel ukoll li jiġi adottat approċċ korrett dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità u dwar il-programmi nazzjonali ta’ taħriġ għall-fornituri tas-servizzi ta’ effiċjenza fl-enerġija.

1.9.

Il-KESE jirrakkomanda li bl-għan li tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija għall-konsumaturi, fil-livell nazzjonali jitwettqu analiżijiet li jqabblu l-benefiċċji u l-ispejjeż u li jwasslu għat-tnaqqis tal-ispejjeż.

1.10.

Il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ approċċ olistiku u li ssir ħidma għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija tas-sistema kollha tat-trasport, filwaqt li jsir użu mill-iżviluppi kontinwi fit-teknoloġija tal-vetturi u fis-sistemi ta’ propulsjoni, għal tranżizzjoni lejn mezzi ta’ trasport effiċjenti mil-lat tal-enerġija u sistemi ta’ trasport intelliġenti biex tiżdied ir-rata tal-użu tal-kapaċità disponibbli. Approċċ bħal dan għandu jiġi kkunsidrat ukoll għall-avjazzjoni u t-trasport marittimu. L-utenti għandhom jiġu infurmati dwar il-konsum tal-fjuwil għal kull mezz ta’ trasport, inklużi l-livelli limiti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet tas-CO2.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE jaqbel li l-prinċipju li “ l-effiċjenza fl-enerġija tiġi l-ewwel” huwa element ewlieni tal-Unjoni tal-Enerġija, u din il-proposta ta’ emenda ser timplimenta dan il-prinċipju fil-prattika. L-orħos enerġija, l-iktar enerġija nadifa, l-iktar enerġija sigura hija l-enerġija li ma tintużax. L-effiċjenza fl-enerġija hija waħda mill-iktar modi kosteffettivi biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u biex jinħolqu t-tkabbir, l-impjiegi u l-opportunitajiet ta’ investiment.

2.2.

Madankollu, jekk il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija ġiet stabbilita għal 20 % għall-2020, ġew analizzati diversi miri kwantifikati għall-2030 (bejn 27 % u 40 %). L-aktar ambizzjuża hija dik tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li tappella għal mira vinkolanti ta’ 40 %. Wara analiżi tal-benefiċċji stabbiliti f’termini tal-impjieg u t-tkabbir ekonomiku, is-sigurtà tal-provvista, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra, u s-saħħa u l-ambjent, il-Kummissjoni pproponiet mira vinkolanti ta’ effiċjenza fl-enerġija ta’ 30 %. Il-KESE jqis li, fid-dawl ta’ din l-estensjoni, huwa importanti ferm li jiġi analizzat bir-reqqa l-impatt li l-miri kwantifikati tal-effiċjenza fl-enerġija se jkollhom fuq l-għanijiet l-oħra li ġew stabbiliti fil-proposti leġislattivi dwar l-enerġija, u b’mod partikolari fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-UE.

2.3.

Sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet strateġiċi, l-Istati Membri – bl-assistenza tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali tal-pajjiżi differenti, kif ukoll il-fornituri u d-distributuri tal-enerġija se jaqdu r-rwol ewlieni li jilħqu ffrankar tal-enerġija ta’ 1,5 % fis-sena. Il-KESE jappoġġja l-proposta sabiex ir-rekwiżit ta’ ffrankar tal-enerġija jiġi estiż lil hinn mill-2020, li tinżamm ir-rata annwali ta’ 1,5 %, permezz ta’ skemi ta’ obbligu u miżuri alternattivi flessibbli fil-livell tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ffrankar.

2.4.

L-approċċ il-ġdid, li l-KESE jappoġġja, se jipprovdi lill-Istati Membri u lill-investituri bil-perspettiva fit-tul meħtieġa biex jiżviluppaw l-istrateġiji u jippjanaw l-investimenti tagħhom sabiex tintlaħaq il-mira stabbilita fil-livell tal-UE. Dan isir permezz tal-implimentazzjoni ta’ politiki adatti għal-livell nazzjonali u reġjonali, u b’hekk jintlaħqu benefiċċji importanti sal-2030, inkluż tnaqqis ta’ 17 % tal-konsum finali tal-enerġija (meta mqabbel mal-2005), tkabbir ekonomiku li jikkorrispondi għal żieda ta’ 0,4 % tal-PDG, tnaqqis fil-prezzijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u n-negozji (minn EUR 161 sa EUR 157/MWh), opportunitajiet ta’ negozju ġodda li jwasslu għall-ħolqien ta’ impjiegi (adatti), trażżin tat-tniġġis u tal-ħsara għas-saħħa (bi tnaqqis ta’ madwar EUR 4,5-8,3 biljuni) u sigurtà mtejba tal-enerġija (tnaqqis tal-importazzjonijiet tal-gass bi 12 % fl-2030).

2.5.

Fil-fehma tal-KESE, element essenzjali hija l-informazzjoni tal-atturi ewlenin tas-suq tal-enerġija, jiġifieri l-għoti lill-unitajiet domestiċi u lill-industriji ta’ informazzjoni rilevanti, ċara u konċiża dwar il-konsum tagħhom, kif ukoll it-tisħiħ tad-drittijiet leġittimi tagħhom dwar il-qari tal-miters (leġibbiltà tal-miter intelliġenti mill-bogħod) u dwar il-fatturazzjoni, inkluż għall-enerġija termali. Wieħed ma għandux jinsal-konsumaturi vulnerabbli li, permezz ta’ tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija tagħhom, għandhom jaraw titjib sinifikanti fil-kumdità u fil-livell ta’ għajxien tagħhom.

2.6.

Madankollu, il-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli titlob ukoll li d-Direttiva ma għandhiex timponi l-użu ta’ miters individwali f’pajjiżi fejn, bil-liġi, sid il-kera għandu jkopri l-ispejjeż tal-enerġija tal-kerrej, speċjalment peress li għal sid il-kera dawn il-liġijiet tal-kiri joħolqu inċentiv importanti għar-rinnovazzjoni rigward l-effiċjenza fl-enerġija. Barra minn hekk għandu jiġi enfasizzat il-fatt li, f’xi Stati Membri, bosta miters individwali li ġew installati reċentement f’konformità mal-liġi eżistenti tal-UE, għandhom ħajja ta’ użu itwal ferm mill-iskadenza tal-2027 tal-Kummissjoni għas-sostituzzjoni b’tagħmir li jista’ jinqara mill-bogħod. Il-konsumaturi tal-UE jistgħu jqisu s-sostituzzjoni ta’ dawn il-miters bħala spiża żejda, u għaldaqstant għandha tiġi evitata.

2.7.

Il-KESE jqis li huwa fundamentali li jissaħħu l-aspetti soċjali relatati mal-effiċjenza fl-enerġija u mal-ġlieda kontra l-faqar u l-faqar enerġetiku, speċjalment fil-każ tal-konsumaturi vulnerabbli. L-Istati Membri tal-UE għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu aktar attenzjoni lill-miżuri soċjali. L-implimentazzjoni tad-Direttiva hija fattur essenzjali għall-benessri.

2.8.

Ma għandniex ninsew li l-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija huma marbuta ma’ dawk li jikkonċernaw it-tibdil fil-klima: fiż-żewġ każijiet jimmiraw li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Dan ir-rekwiżit iwassal għal politiki li jżidu l-intensità u l-veloċità li biha għandhom jiġu adottati teknoloġiji ġodda. Dawn se jwasslu għall-iffrankar ta’ enerġija fit-trasport, l-industrija u l-bini, kif ukoll fl-unitajiet domestiċi. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 7 tal-Proposta għal Direttiva (iffrankar reali ta’ enerġija, miżuri konkreti ta’ effiċjenza fl-enerġija), għall-Istati Membri t-teknoloġiji l-ġodda se jirrappreżentaw mod ekonomikament effiċjenti biex jintlaħqu l-miri nazzjonali tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjoni tal-Unjoni Ewropea u tad-Deċiżjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi.

2.9.

Fir-rigward tal-leġislazzjoni attwalment fis-seħħ dwar l-effiċjenza fl-enerġija, il-Parlament Ewropew jagħmel ir-rimarki segwenti: id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija [għad li] implimentata b’mod inadegwat … tipprovdi qafas għar-rendiment tal-iffrankar tal-enerġija”; “dispożizzjonijiet ġuridiċi li jikkompetu ma’ xulxin u jwaqqfu l-kisbiet ambjentali, joħolqu l-burokrazija u jżidu l-ispejjeż tal-enerġija”, “[hemm] bżonn ta’ aktar koerenza fil-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija; aktar effiċjenza fl-enerġija [twassal għal] aktar impjiegi u tkabbir .

2.10.

F’dan il-kuntest, il-KESE jemmen li l-proposta leġislattiva l-ġdida dwar l-effiċjenza fl-enerġija ser tqis l-Opinjoni attwali, kif ukoll il-miżuri proposti mill-Parlament Ewropew.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.    Bażi legali, sussidjarjetà u proporzjonalità

3.1.1.

L-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), flimkien mad-Direttiva 2012/27/UE, jikkostitwixxu l-bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżuri fil-qasam tal-enerġija. Għalhekk, Direttiva emendatorja tkun l-istrument adatt.

3.1.2.

Il-KESE jemmen li s’issa, l-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija ma setgħux jintlaħqu, waħda mir-raġunijiet għal dan hija li l-Istati Membri aġixxew b’mod indipendenti f’dan il-qasam. Azzjoni koordinata fil-livell tal-UE hija għalhekk meħtieġa biex titħeġġeġ l-attività fil-livell tal-Istati Membri. Id-diffikultajiet tal-enerġija jqajmu sfidi politiċi, ekonomiċi (is-suq intern, l-iżvilupp, l-investimenti, regolamenti) u soċjali (il-konsum tal-enerġija, kwistjonijiet tariffarji, faqar, impjiegi), kif ukoll problemi ta’ sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Barra minn hekk, m’għandhomx jintesew id-diffikultajiet marbuta mat-tibdil fil-klima.

3.1.3.

Il-KESE jenfasizza li huwa importanti li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà u li tinżamm il-flessibilità fir-rigward tal-komponenti tat-taħlita tal-enerġija u tal-politika f’dan il-qasam, jekk irridu li jkollna l-garanzija tal-kisba tal-iffrankar li l-Istati Membri impenjaw ruħhom b’mod volontarju li jilħqu sal-2030.

3.2.    Implimentazzjoni, evalwazzjoni u rapportar

3.2.1.

Ġew evalwati livelli differenti ta’ tnaqqis tal-enerġija primarja meta mqabbel mal-linja bażi tal-2007 u, qabel dan, biex jiġi stabbilit l-objettiv saret analiżi tal-konsum tal-enerġija primarja u finali, f’kuntest ta’ ffrankar tal-enerġija jew ta’ intensità enerġetika. Ir-riżultati tad-diskussjonijiet urew li l-maġġoranza tal-partijiet interessati esprimew appoġġ biex l-objettiv għall-2030 jiġi stabbilit għal 30 %.

3.2.2.

L-analiżijiet juru li l-alternattivi preferuti huma dawn li ġejjin:

għall-Artikolu 7, li jirrigwarda l-obbligu ta’ ffrankar tal-enerġija, ingħatat preferenza għall-alternattiva 3 (l-Artikolu 7 jiġi estiż sal-2030, semplifikazzjoni u aġġornar);

għall-Artikoli 9 sa 11, rigward dispożizzjonijiet dwar il-metraġġ u l-fatturazzjoni, inżammet l-alternattiva 2 (kjarifika u aġġornar, b’mod partikolari l-konsolidazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet sabiex tissaħħaħ il-koerenza mal-leġislazzjoni dwar is-suq intern tal-enerġija).

3.2.3.

Waħda mill-konklużjonijiet importanti tirrigwarda l-impatti soċjali: kull investiment ta’ Euro 1,2 miljun fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija joħloq 23 impjieg dirett fis-settur.

3.2.4.

Għal dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ fjuwil li jintlaħaq permezz tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija għall-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ faqar enerġetiku, huwa mistenni riżultat pożittiv, li jista’ jgħin biex jissolvew uħud mill-problemi marbutin mal-esklużjoni soċjali.

3.2.5.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-proposta għal emenda tad-Direttiva se jkollha impatt pożittiv fuq l-SMEs, permezz tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fiha, l-iskemi ta’ appoġġ (miżuri biex ikopru l-ispejjeż tal-awditi tal-enerġija), u l-programmi biex iħeġġuhom iwettqu awditi tal-enerġija. Permezz tar-rinnovazzjoni tal-bini kif ukoll l-estensjoni tal-Artikolu 7 sal-2030, lil hinn mil-limitu attwali, l-intrapriżi ta’ kostruzzjoni ż-żgħar jistgħu jgawdu opportunitajiet ta’ negozju. Il-kuntratti għall-prestazzjoni tal-enerġija konklużi ma’ fornituri huma wkoll ta’ stimolu għall-intrapriżi tas-servizzi tal-enerġija, li sikwit ikunu SMEs.

3.2.6.

Il-KESE jemmen li fl-istess ħin il-miżuri proposti dwar il-metraġġ u l-fatturazzjoni tal-konsum tal-enerġija se jwasslu biex jiċċaraw u jaġġornaw r-regoli preżenti sabiex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi, fir-rigward tat-tagħmir ta’ kejl mill-bogħod tal-konsum tal-enerġija termali (sħana, arja kkundizzjonata). Bl-istess mod, l-informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija se tkun korretta, individwalizzata u disponibbli bi frekwenza ikbar, b’konformità mal-politiki tal-enerġija nazzjonali.

3.2.7.

Għalkemm il-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha se tiġi estiża, il-Proposta m’għandhiex ikollha ħafna konsegwenzi f’termini baġitarji jew spejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, peress li dawn tal-aħħar diġà implimentaw miżuri u strutturi adatti. L-ispejjeż relatati mal-miżuri li jirrigwardaw l-iskemi ta’ obbligu rigward l-effiċjenza fl-enerġija se jiġu mgħoddija lill-klijenti finali. Dawn tal-aħħar, madankollu, għandhom jibbenefikaw minn kontijiet tal-enerġija orħos minħabba li jonqos il-konsum tal-enerġija tagħhom. Il-Proposta ma għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit tal-Unjoni.

3.2.8.

Il-governanza l-ġdida tal-enerġija ser tiżgura l-istabbiliment ta’ sistema flessibbli u trasparenti għall-analiżi, l-ippjanar, ir-rappurtar u l-monitoraġġ, ibbażata fuq il-pjani nazzjonali integrati tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima. Din se tippermetti s-segwitu tal-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali mil-lat ta’ lħuq tal-objettivi tagħhom dwar l-effiċjenza fl-enerġija, kif ukoll il-progress li jsir biex jintlaħaq l-objettiv globali tal-UE. Din is-sistema tkun ibbażata fuq is-segwitu ta’ indikaturi ta’ suċċess skont l-alternattiva li ngħatat preferenza: it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretti, l-intensifikazzjoni tal-progress biex jintlaħqu l-objettivi, l-għoti ta’ informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u, fl-aħħar, it-titjib tar-rapporti marbut mal-ekonomiji li jkunu ntlaħqu.

3.3.    Kummenti dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta li temenda d-Direttiva

3.3.1.

Il-mira indikattiva ta’ 27 % ġie sostitwita b’mira vinkolanti fil-livell tal-UE ta’ 30 %. Kull Stat Membru jingħata r-responsabbiltà li jistabbilixxi mira għall-effiċjenza fl-enerġija għall-2020, li tkun ibbażata fuq il-konsum tal-enerġija finali u primarja. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-progress billi tanalizza l-miri kollha kkomunikati, sabiex tistabbilixxi l-progress lejn il-kisba tal-mira fil-livell tal-UE. Jekk l-UE ma tkunx tinsab fit-triq it-tajba biex dan l-għan jintlaħaq, il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri skont il-każ. Il-proċess ta’ evalwazzjoni se jiġi definit fid-dettall fil-qafas ta’ governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

3.3.2.

L-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu strateġija fit-tul biex jimmobilizzaw l-investimenti meħtieġa fir-rinnovazzjoni tal-istokk nazzjonali ta’ bini tagħhom. Il-paragrafu fejn tinsab din id-dispożizzjoni ser jiġi ttrasferit mid-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija għad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija. Il-KESE jqis li din tirrappreżenta strument importanti ħafna biex jintlaħqu l-miri li l-UE stabbilixxiet għaliha nnifisha, peress li l-bini huwa l-akbar konsumatur tal-enerġija fl-Ewropa (aktar minn 40 % tat-total tal-enerġija finali).

3.3.3.

Il-KESE jqis li l-kunċett ta’ koġenerazzjoni għandu importanza deċiżiva, peress li jiżgura l-produzzjoni simultanja fl-istess installazzjoni (grupp iffurmat minn ġeneratur b’turbina tal-fwar jew magna tal-kombustjoni interna, eċċ), ta’ enerġija elettrika u termali, fil-forma ta’ ilma sħun, fwar jew likwidu tat-tkessiħ. Il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja tfisser li l-produzzjoni kombinata tiggarantixxi li jsir iffrankar tal-enerġija primarja ta’ mill-inqas 10 % meta mqabbel mal-valuri referenzjarji tal-enerġija elettrika u l-enerġija termali li jiġu prodotti b’mod separat. B’differenza mill-impjanti tal-enerġija elettrika konvenzjonali (bil-kondensazzjoni), li jikkonvertu biss 33 % tal-enerġija primarja f’enerġija elettrika, dawk tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja għandhom rati ta’ konverżjoni li jilħqu d-90 %, billi jikkombinaw iż-żewġ proċessi, jiġifieri l-produzzjoni simultanja ta’ enerġija elettrika u enerġija termali.

3.3.4.

Il-koġenerazzjoni tippreżenta vantaġġi kbar: effiċjenza fl-enerġija, flessibbiltà fl-għażla ta’ fjuwil, operat u manutenzjoni faċli, kumdità għall-klijent, spiża mnaqqsa tul iċ-ċiklu tal-ħajja, tnaqqis tal-ispiża tal-kapital u flessibbiltà fit-tfassil tal-istrument.

3.3.5.

Minbarra li tipprovdi l-enerġija minn sorsi adatti (b’livelli mnaqqsa ta’ emissjonijiet ta’ karbonju) u ttejjeb il-konsum tal-enerġija, il-ħżin tal-enerġija elettrika tista’ tkun soluzzjoni għall-intrapriżi li jew jipproduċu l-enerġija rinnovabbli u jkunu jixtiequ jottimizzaw il-konsum skont il-ħtiġijiet, jew ikunu jridu jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom billi jnaqqsu l-konsum tagħhom f’perjodi ta’ domanda għolja u pjuttost jużaw elettriku irħas barra l-ħinijiet ta’ domanda għolja.

3.3.6.

Il-KESE jaqbel mal-approċċ adottat mill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 7, li huwa emendat b’mod li jestendi t-tul tal-perjodu ta’ obbligu ta’ ffrankar tal-enerġija sal-2030, filwaqt li tinżamm il-mira ta’ 1,5 % ta’ ffrankar kull sena. Qabel isir dan titwettaq evalwazzjoni tal-progress li jsir fil-kisba tal-miżuri fl-2027, u sussegwentement kull 10 snin, sakemm l-objettivi fit-tul tal-UE għall-2050 dwar il-klima u l-enerġija jitqies li jkunu ntlaħqu.

3.3.7.

Il-KESE jqis li l-emenda fl-Artikoli li jirregolaw il-metraġġ u l-fatturazzjoni hija waħda pożittiva, minħabba li tiċċara aspetti marbutin mat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun domestiku li joriġinaw minn faċilità ċentrali. Madankollu, il-miters individwali m’għandhomx jiġu imposti mil-liġi tal-UE f’pajjiżi fejn sid il-kera huwa legalment obbligat li jħallas l-ispejjeż tal-enerġija tal-kerrej (ammont gross tal-kera, skont negozjar dwar il-kera bejn il-kerrejja u sidien il-kera taħt is-superviżjoni tal-istat). Fir-rigward tal-qari tal-konsum tal-gass, jiddaħħal l-obbligu li l-konsumatur finali jingħata miter individwali, li jurih b’mod ċar il-konsum tiegħu.

3.3.8.

L-informazzjoni dwar il-konsum tal-gass ser tkun ibbażata fuq il-konsum reali, permezz ta’ sistema li tippermetti li l-klijent aħħari jaqra hu stess l-miter tiegħu. Se jkun meħtieġ li d-data dwar il-konsum u l-fatturazzjoni jkunu disponibbli għall-fornituri tas-servizzi tal-enerġija. Jeħtieġ li l-fattura elettronika tkun ċara u komprensibbli għall-konsumatur. Minħabba t-titjib propost, il-KESE jesprimi x-xewqa li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom aktar fit-tfittxija għal soluzzjonijiet li jkunu adatti, mill-perspettiva soċjali kif ukoll ekonomika, f’dak li jirrigwarda l-indirizzar tal-ispejjeż tal-miters (min ser iġarrab l-ispiża?). Din il-kwistjoni hija kruċjali mil-lat ta’ ġustizzja u ta’ definizzjoni korretta tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess ugwali għall-enerġija.

3.3.9.

Is-settur tal-enerġija kemm-il darba talab li jiġi rieżaminat il-fattur ta’ konverżjoni tal-enerġija primarja tal-elettriku, li huwa bbażat fuq il-konsum tal-enerġija finali għall-iffrankar tal-enerġija u espress f’kWh fl-Istati Membri. Il-metodoloġija u l-fattur ġdid li qed jiġu proposti jirrappreżentaw titjib kbir. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-koeffiċjent ikun ta’ 2,0 b’mod prestabbilit għall-fattur ta’ konverżjoni tal-enerġija primarja, filwaqt li l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw koeffiċjent differenti, dment li jiġġustifikaw dan b’mod konkret. Is-settur tal-enerġija huwa mħasseb dwar il-metodu ta’ kalkolu li jippreżenta żvantaġġi meta applikat għall-enerġija nukleari, peress li jqis li l-fattur adatt għandu jkun ta’ 1 (rendiment ta’ konverżjoni ta’ 100 %), simili għal dak applikat għal sorsi oħra tal-enerġija mingħajr emissjonijiet ta’ karbonju.

Brussell, is-26 ta’ April 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 246/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija”

[COM(2016) 765 final — 2016/0381 (COD)]

(2017/C 246/08)

Relatur:

Baiba MILTOVIČA

Korelatur:

Isabel CAÑO AGUILAR

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 12.12.2016

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 21.12.2016

Bażi legali

L-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

11.4.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

26.4.2017

Sessjoni plenarja Nru

525

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

157/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Din id-Direttiva proposta tipperfezzjona u testendi l-azzjoni leġislattiva preċedenti għal effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija fil-bini. L-effettività tagħha se tiġi ġġudikata skont ir-rwol tagħha fil-kontribut għall-objettivi prinċipali tal-Unjoni tal-Enerġija iżda billi tikkonċentra fuq l-ambjent mibni, il-kontribut tagħha għall-objettivi soċjali u ekonomiċi (b’mod partikolari t-tnaqqis tal-faqar enerġetiku, il-preservazzjoni tal-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni u l-potenzjal biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija) għandu wkoll jitqies bħala essenzjali.

1.2.

Il-KESE jagħti prijorità ‘l-bżonn tad-Direttiva biex tinkludi iktar proposti speċifiċi biex tiġi indirizzata l-isfida tal-faqar enerġetiku. Dan għandu jinkludi parir aktar ċar dwar il-kontenut meħtieġ ta’ definizzjonijiet nazzjonali tal-faqar enerġetiku, l-għoti ta’ definizzjoni ta’ referenza li abbażi tagħha wieħed ikun jista’ jivvaluta l-komprensività tal-approċċi tal-pjan nazzjonali, u l-għoti ta’ pariri u koordinazzjoni ta’ miżuri permezz ta’ one-stop-shop jew aġenzija indipendenti, iffokata fuq il-konsumatur.

1.3.

Il-KESE jemmen li l-Istati Membri, fil-pjani nazzjonali tagħhom stess, jeħtieġ li jimmiraw għall-ambizzjonijiet ogħla definiti fl-Għażla III alternattiva (kif ippreżentat fl-Analiżi tal-Impatt tal-Kummissjoni Ewropea mehmuża magħha) filwaqt li jibqgħu fi ħdan l-approċċ leġislattiv tal-Għażla II – il-bażi tar-reviżjonijiet ippreżentati f’din id-Direttiva. Dan se jkun neċessarju sabiex tinħoloq trajettorja fit-tul kapaċi tilħaq il-mira mixtieqa tal-Ftehim ta’ Pariġi.

1.4.

Huwa rrakkomandat li l-istrateġiji nazzjonali għar-rinnovazzjoni tal-bini għandhom jiġu appoġġjati minn din id-Direttiva permezz ta’ rekwiżit biex jiġu proposti miri settorjali speċifiċi u metodoloġija ta’ referenza għall-kejl tal-progress. Livelli ta’ prestazzjoni minimi tal-effiċjenza enerġetika fir-rinnovazzjoni ta’ bini kummerċjali u pubbliku għandhom jiġu speċifikati wkoll f’linji gwida rigorużi.

1.5.

Id-Direttiva ma ħaditx l-opportunità biex tinkoraġġixxu “ipoteki ekoloġiċi”, skemi ta’ tisħin distrettwali marbutin mal-enerġija rinnovabbli, miżuri għal ħażna tal-enerġija residenzjali u kummerċjali, skemi ta’ taħriġ imtejba għall-installaturi u r-rinovaturi u miżuri tekniċi, finanzjarji u fiskali oħrajn li għandhom jappoġġjaw l-effiċjenza enerġetika aħjar fil-bini. Għalkemm dawn il-miżuri huma appoġġjati minn x’imkien ieħor, l-approċċ ta’ profil baxx f’din id-Direttiva jista’ jiġi ġustifikat biss jekk iħeġġeġ il-flessibbiltà u azzjoni ambizzjuża. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibqa’ teżamina mill-viċin l-implimentazzjoni u l-effettività tad-Direttiva u tkun lesta li taġixxi fil-pront fl-użu tal-mekkaniżmu ta’ aġġornament u reviżjoni fi ħdan ir-Regolament dwar il-Governanza propost.

1.6.

Għandhom jittieħdu passi oħra li jinkoraġġixxu l-komparabilità tal-metodi ta’ kalkolu għaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (EPCs) fl-Istati Membri kollha, li għandu jfisser li l-paragun tal-EPCs ikun aktar fattibbli.

1.7.

Għandhom jiġu proposti metodi ulterjuri biex jinċentivaw lis-sidien tal-kera soċjali privati u mhux muniċipali biex jinvestu fir-rinnovament ta’ proprjetà antika.

1.8.

Il-proposta mhux speċifika għal “indikatur tal-intelliġenza” għandha tinkludi l-kapaċità tal-okkupanti tal-bini mhux biss biex jivvalutaw l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija iżda wkoll biex jikkontrollaw u jiffaċilitaw il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-konsum tagħhom stess, u biex inaqqsu l-kontijiet tal-enerġija.

1.9.

Il-KESE b’mod partikolari jħeġġeġ biex tiġi rikonoxxuta l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali biex jistimolaw u jikkoordinaw programmi ta’ effiċjenza tal-enerġija u jinnota l-potenzjal dejjem jikber tal-Patt tas-Sindki f’dan ir-rigward.

1.10.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa biex jiġu mħeġġa l-kostruzzjoni u r-rinnovament tal-bini, settur fejn l-SMEs jipprovdu 83 % tal-impjiegi kollha (OECD: Negozji Żgħar, il-Ħolqien tal-Impjieg u t-Tkabbir).

1.11.

Il-KESE jinnota li, mingħajr l-innovazzjoni, mhux ser ikun possibbli li tiżdied il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini. L-UE qed titlef il-pożizzjoni ta’ tmexxija tagħha fir-rigward tat-teknoloġiji tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju u llum tirrappreżenta inqas minn 15 % tal-impjiegi fis-settur. Għandu jsir sforz fit-taħriġ biex il-ħiliet meħtieġa għal dawn is-setturi speċjalizzati ħafna jiġu adattati.

1.12.

L-inizjattiva Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti – u l-għan tagħha biex tgħaqqad l-ambizzjonijiet tal-Pjan Juncker – hija pass pożittiv milqugħ tajjeb mill-Kumitat.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Id-Direttiva hija parti mill-pakkett dwar Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha, imfassla biex tagħti sustanza lill-Unjoni tal-Enerġija u biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-fehim li t-tranżizzjoni għall-enerġija nadifa hija s-settur ta’ tkabbir tal-ġejjieni. L-enerġija fil-bini tammonta għal 40 % tat-total użat madwar l-UE. Qed ikompli jsir progress sinifikanti fl-effiċjenza enerġetika tal-bini, kemm f’kostruzzjonijiet ġodda kif ukoll fir-rigward ta’ modifiki ta’ kostruzzjoni eżistenti (retrofitting). Parzjalment dan ġie xprunat minn ħmistax-il sena ta’ interventi leġislattivi fil-livell tal-UE, iżda għad baqa’ opportunitajiet konsiderevoli biex tittejjeb l-effiċjenza u jiġu pprovduti impatti soċjali ta’ benefiċċju oħrajn.

2.2.

Minkejja avvanzi tekniċi, data ta’ appoġġ rilevanti u l-użu ta’ fondi pubbliċi disponibbli permezz ta’ strumenti finanzjarji, ma kien hemm l-ebda żieda sinifikanti fir-rata ta’ titjib fl-istokk tal-bini eżistenti – 75 % tal-bini fl-UE għadhom ineffiċjenti fl-enerġija.

2.3.

L-impatti fuq il-klima globali u l-isforzi biex tiġi kkonsolidata l-politika Ewropea dwar l-enerġija żiedu l-urġenza iżda xi kwistjonijiet fundamentali u kumplessi għadhom mhux solvuti, u seta’ kien mistenni aktar progress. Mingħajr tali azzjoni, il-miri dwar il-klima u l-enerġija tal-2030 u l-2050 se jkunu diffiċli ħafna biex jintlaħqu. Hemm il-potenzjal li l-konsum tal-enerġija fil-bini jitnaqqas b’5 sa 6 % u l-emissjonijiet tas-CO2 jitnaqqsu b’madwar 5 %. Madankollu, billi huwa biss bejn 0,4 u 1,2 % tal-istokk tal-bini li qed jiġi rinnovat/imtejjeb kull sena, huwa ċar li hemm bżonn li l-proċeduri jitħaffu.

2.4.

Din id-Direttiva temenda d-Direttiva preċedenti tal-2010 dwar l-istess suġġett, li hija riformulazzjoni tad-Direttiva tal-2002. Ir-riformulazzjoni fl-2010 ipprovdiet emendi sostanzjali ħafna għat-test tal-2002. B’mod partikolari, għarfet l-importanza dejjem tikber tar-rwol tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-ambjent mibni u fil-kontribut għal objettivi ta’ politika, ħadet kont ta’ avvanzi fl-għarfien tekniku, għamlet aġġustamenti fid-dawl ta’ tmien snin ta’ esperjenza prattika, u enfasizzat il-ħtieġa vitali li jiġi rregolarizzat u mtejjeb l-approċċ lejn il-kwistjonijiet mill-Istati Membri.

2.5.

Din ir-reviżjoni proposta, għalkemm ferm iqsar mid-Direttiva ta’ qabel, tieħu l-istess approċċ. B’mod partikolari, hija tipprevedi l-integrazzjoni fit-tul ta’ strateġiji għar-rinnovazzjoni tal-bini, l-użu ta’ teknoloġija intelliġenti fil-bini u s-semplifikazzjoni tar-regoli eżistenti. Issegwi valutazzjoni estensiva tad-Direttiva tal-2010 u valutazzjoni tal-impatt dettaljata tal-linji ta’ azzjoni ulterjuri possibbli. L-għażla ta’ impatt kbir, l-Għażla III, kienet miċħuda, primarjament għal raġunijiet ta’ spejjeż fuq medda qasira ta’ żmien, u impatti fuq is-sussidjarjetà u realiżmu politiku, favur livell aktar baxx ta’ kisba potenzjali – l-Għażla II.

2.6.

Madankollu, il-partijiet interessati kollha jixtiequ jiksbu titjib ambizzjuż. Is-settur jipprovdi 18-il miljun impjieg dirett u jikkontribwixxi madwar 9 % tal-PDG tal-UE; l-isfida hija li jinstab bilanċ bejn l-affordabilità u l-ħtiġijiet tas-swieq residenzjali u kummerċjali u l-objettivi soċjali u tal-klima.

3.   Il-kontenut tal-Proposta tal-Kummissjoni

3.1.

Id-Direttiva tikkonsisti minn sensiela ta’ emendi li jsaħħu d-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva 2010/31/UE u jissemplifikaw ċerti aspetti. Il-punti ewlenin huma:

Id-definizzjoni ta’ “sistemi tekniċi tal-bini” hija estiża biex tinkludi aspetti ta’ teknoloġija intelliġenti tal-bini u biex tkopri l-elettromobbiltà.

Id-dispożizzjoni fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika tal-2012 dwar l-istrateġiji fuq medda twila ta’ żmien għar-rinnovazzjoni nazzjonali hija trasferita għal din id-Direttiva.

L-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu pjan direzzjonali bi stadji importanti u miżuri ċari biex iwettqu l-għan fit-tul tal-2050 li jiddekarbonizzaw l-istokk tal-bini nazzjonali tagħhom bi stadji importanti speċifiċi għall-2030. Dan għandu wkoll jagħti kontribut sabiex jittaffa l-faqar enerġetiku.

L-investiment huwa mħeġġeġ minn dispożizzjoni għall-Istati Membri li taggrega u tneħħi r-riskji ta’ proġetti u tippermetti finanzjament pubbliku biex jiksbu effett ta’ lieva mill-finanzi tas-settur privat u jindirizzaw dawk l-oqsma ta’ tħassib li mhumiex indirizzati mis-suq.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti biex jiżguraw li bini mhux residenzjali jkun mgħammar b’sistemi ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti biex jiżguraw li bini residenzjali b’ġestjoni ċentralizzata tas-sistemi tekniċi tal-bini jkun mgħammar b’sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku kontinwu u b’funzjonalitajiet ta’ kontroll effettivi sabiex jiġu żgurati l-aħjar ġenerazzjoni, distribuzzjoni u użu tal-enerġija.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri neċessarji sabiex ikun hemm spezzjoni regolari tal-partijiet aċċessibbli tas-sistemi tal-arja kundizzjonata għall-bini mhux residenzjali u għal bini residenzjali b’sistema tal-bini teknika ċentralizzata.

Dispożizzjoni għall-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni lis-sidien u lill-okkupanti tal-bini dwar iċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, l-iskop u l-għanijiet tagħhom, dwar modi kosteffettivi għat-titjib tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.

Jiddaħħlu dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-installazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar (jew kejbils infrastrutturali) għall-vetturi elettriċi tkun obbligatorja għal sehem kbir ta’ bini ġdid u għal xi stokk eżistenti li jkun għaddej minn rinnovazzjoni.

Bidliet tas-sistemi tekniċi tal-bini għandhom jiġu rreġistrati, evalwati u jkunu disponibbli.

L-iżvilupp ta’ “indikatur tal-intelliġenza” huwa propost biex jissupplimentata l-informazzjoni eżistenti dwar l-effiċjenza tal-bini.

Hemm rabta speċifika bejn l-istrumenti finanzjarji disponibbli għar-rinnovazzjoni tal-bini u l-grad ta’ effiċjenza enerġetika miksuba.

4.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-enfasi kontinwa fuq l-effiċjenza enerġetika tal-bini, iżda huwa mħasseb partikolarment li l-faqar enerġetiku, identifikat mill-Kumitat f’Opinjonijiet (1) preċedenti tiegħu u rikonoxxut b’mod wiesa’ bħala kwistjoni ewlenija ta’ tħassib soċjali, mhuwiex indirizzat b’mod adegwat.

4.2.

Huwa meħtieġ approċċ usa’ u aktar ambizzjuż. Il-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija diġà stabbiliti mill-UE u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Pariġi f’Ottubru 2016, li għandu ambizzjonijiet kbar, jitolbu azzjoni aktar qawwija, speċjalment minħabba li l-istorja ta’ konformità insuffiċjenti ma’ proposti preċedenti tindika li l-bini jibqa’ settur ta’ sfida kbira.

4.3.

Il-Kumitat għandu xi riżervi dwar l-għażla tal-Għażla II (kif stabbilita fil-Valutazzjoni tal-Impatt) bħala l-bażi biex tmexxi ‘l quddiem din il-leġislazzjoni ta’ emenda. Għalkemm l-Għażla III timplika livell ta’ azzjoni obbligatorja li taqbeż b’mod sostanzjali l-kostottimalità – pożizzjoni li l-Kumitat ma jistax jaqbel magħha – huwa ċar li l-ambizzjoni ferm aktar sinifikanti tal-Għażla III – impatt darbtejn jew tliet darbiet akbar fuq il-klima, l-effiċjenza u l-objettivi soċjali – x’aktarx li se tkun neċessarja sabiex tinħoloq trajettorja fit-tul li tkun kapaċi tilħaq l-għan ambizzjuż tal-Ftehim ta’ Pariġi. Konsegwentement, l-Istati Membri, fil-pjani nazzjonali tagħhom stess, jeħtieġ li jimmiraw għall-ambizzjonijiet ogħla definiti fl-Għażla III alternattiva (kif ippreżentat fl-Analiżi tal-Impatt tal-Kummissjoni Ewropea mehmuża magħha) filwaqt li jibqgħu fi ħdan l-approċċ leġislattiv tal-Għażla II.

4.4.

L-analiżi reċenti tal-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni tal-bini tal-Istati Membri ġeneralment hija pożittiva (JRC 2016: Rapport ta’ Sinteżi dwar il-valutazzjoni tal-istrateġiji tal-Istati Membri għar-rinnovazzjoni tal-bini). Dan il-qasam huwa kopert mid-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika; madankollu, bħalissa ma hemm l-ebda standard komuni għal dak li jikkostitwixxi “rinnovazzjoni”. Għandu jkun ta’ siwi jekk fid-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija jiddaħħal rekwiżit li jipproponi miri settorjali speċifiċi u metodoloġija ta’ referenza għall-kejl tat-titjib b’livell limitu kwalifikanti li jiskatta l-appoġġ għar-rinnovazzjoni. Flimkien ma’ dawn il-miri għandu jkun hemm speċifikati linji gwida rigorużi biex jintlaħqu livelli ta’ prestazzjoni minimi tal-effiċjenza fl-enerġija fir-rinnovazzjoni ta’ bini kummerċjali u pubbliku.

4.5.

Id-Direttiva testendi r-rekwiżiti għal bażi ta’ data nazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Ċertifikati tar-Rendiment Enerġetiku u jkun utli bażi ta’ data fil-livell tal-UE u pubblikament disponibbli li jkun fih data nazzjonali anonimizzata dwar l-istrateġiji nazzjonali ta’ rinnovazzjoni, u jista’ jkun marbut mal-pjattaforma tar-rappurtar elettroniku proposta fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija. Marbut ma’ dan, fid-Direttiva għandu jkun hemm gwida kategorika dwar il-paragun tal-metodi ta’ kalkolu, li min-naħa tiegħu għandu jagħmel il-komparibbiltà tal-EPCs aktar fattibbli.

4.6.

Għalkemm ma hemm l-ebda raġuni għaliex il-Pjani Nazzjonali m’għandhomx ikopru dan il-qasam, m’hemmx proposti fid-Direttiva għal modi ulterjuri biex jinċentivaw sidien il-kera soċjali privati u mhux muniċipali biex jinvestu fir-rinnovazzjoni ta’ proprjetà aktar antika. Fejn l-okkupanti jħallsu l-kontijiet tal-enerġija direttament, is-sidien spiss ma jaraw l-ebda valur kummerċjali għalihom infushom fit-titjib tal-effiċjenza tal-bini. Is-settur tal-kiri residenzjali f’xi pajjiżi jkopri proporzjon konsiderevoli tal-unitajiet residenzjali. Ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini għandu impatt maġġuri fuq l-affordabbiltà tal-abitazzjonijiet u l-faqar fl-enerġija, għalhekk hija essenzjali d-disponibbiltà ta’ strumenti finanzjarji li jappoġġjaw ir-rinnovazzjoni. L-aktar li huma intitolati li jiksbu self għal titjib fl-effiċjenza ta’ blokkijiet ta’ appartamenti huma l-muniċipalitajiet, l-assoċjazzjonijiet tal-kera u s-sidien. Madankollu, il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament u kuntrattwali projbittivi u l-aċċess għall-kreditu joħolqu ostakli għal ħafna.

4.7.

L-inkoraġġiment ta’ “ipoteki ekoloġiċi” hija miżura li għandha ssib appoġġ fi ħdan id-Direttiva. Huwa importanti wkoll li jiġi faċilitat ir-raggruppament ta’ programmi fuq skala żgħira dwar l-aħjar prattika għar-rinnovazzjoni u l-effiċjenza f’oqfsa akbar biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu applikati pakketti finanzjarji.

4.8.

Fl-Istrateġija dwar it-tisħin u t-tkessiħ tal-2016 (COM(2016) 51 final), ingħatat attenzjoni partikolari lill-gwadann li jista’ jinkiseb permezz ta’ rinnovazzjoni u sostituzzjoni ta’ skemi ta’ tisħin distrettwali flimkien mal-enerġija rinnovabbli. Soluzzjonijiet ta’ tisħin distrettwali u tal-belt ġeneralment huma meqjusa bħala komponent infrastrutturali tas-sistema tal-bini u għalhekk jeħtieġu inkoraġġiment speċifiku biex jirriflettu dan fl-ippjanar urban, permezz ta’ stqarrija ta’ pożizzjoni ċara f’din id-Direttiva.

4.9.

Ta’ min jinnota li l-miri tal-klima u l-enerġija huma marbuta ma’ teknoloġiji tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju (LCE) u binjiet aktar sostenibbli li jridu jilħqu l-miri tal-effiċjenza enerġetika. Dawn qed jiddependu dejjem aktar fuq it-teknoloġiji abilitanti essenzjali f’materjali avvanzati (metalli li ma fihomx ħadid, azzar, ħġieġ, plastik, eċċ.) u mingħajr l-innovazzjoni mhux ser ikun possibbli li tiżdied il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini. Madwar 5 % tal-materjal avvanzat prodott illum huwa użat f’teknoloġiji tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju u binjiet aktar sostenibbli u dawn is-swieq qed jiżviluppaw b’rata mgħaġġla.

4.10.

Fil-fatt, l-UE qed titlef il-pożizzjoni ta’ tmexxija tagħha fit-teknoloġiji LCE u llum tirrappreżenta inqas minn 15 % tal-impjiegi fis-settur (madwar 1,1 miljun impjieg dirett u indirett). Fil-qasam ta’ materjal avvanzat meħtieġ għal dawn it-teknoloġiji, l-UE qed tħabbat wiċċha ma’ kompetizzjoni globali li qed tikber u mingħajr politiki adatti li jixprunaw it-teknoloġija u jiġbdu s-suq, l-innovazzjoni u l-produzzjoni se jkomplu jitilqu mill-UE. Wieħed lanqas ma għandu jinsa t-taħriġ f’ħiliet ġodda meħtieġa għal dawn is-setturi speċjalizzati ħafna.

4.11.

Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni tal-elettromobbiltà għad-dekarbonizzazzjoni aktar mifruxa tal-ekonomija iżda għandu dubji dwar il-ħtieġa għal livell ta’ dettall daqshekk għoli u dwar l-impatt ta’ tali miżuri fuq l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni u tan-negozju u fuq il-libertà tal-awtoritajiet pubbliċi biex tintlaħaq l-elettromobbiltà. Madankollu, qasam ieħor importanti u komplementari – il-ħżin tal-enerġija – għalkemm jissemma fil-memorandum spjegattiv, mhuwiex żviluppat fid-Direttiva, anke jekk x’aktarx li se jkun teknoloġija li tiżviluppa b’pass mgħaġġel u bi prezz affordabbli.

4.12.

Bl-istess mod, it-tkabbir li jirriżulta mill-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli joħloq opportunitajiet biex issir integrazzjoni ma’ miżuri ta’ effiċjenza għal bini li ma jkunx konness man-netwerk tal-gass u jsir progress lejn enerġiji rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ. Dan għandu jiġi promoss b’mod speċifiku.

4.13.

L-emendi li jirrigwardaw it-titjib tal-impenn għal bini intelliġenti (pubbliku, kummerċjali u residenzjali) huma relattivament modesti u għandhom ikunu aktar speċifiċi u estensivi.

4.14.

Il-proposta għal “indikatur ta’ intelliġenza” sabiex tkun tista’ titkejjel il-kapaċità tal-bini biex juża l-ICT u sistemi elettroniċi sabiex jiġu ottimizzati t-tħaddim u l-interazzjoni tiegħu man-netwerk se teħtieġ aktar elaborazzjoni iżda l-prinċipju huwa milqugħ. L-għan għandu jkun li jiġi żviluppat indikatur trasparenti u siewi li jżid il-valur tal-EPC iżda mingħajr ma jiġu imposti piżijiet bla bżonn ta’ ġbir ta’ data jew analitiċi. Indikatur bħal dan għandu jindika l-kapaċità tal-okkupanti tal-bini mhux biss biex jivvalutaw l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija iżda wkoll biex jikkontrollaw u jiffaċilitaw il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-konsum tagħhom stess, u biex inaqqsu l-kontijiet tal-enerġija.

4.15.

Il-faqar fl-enerġija huwa identifikat bħala kwistjoni li għandha tiġi indirizzata billi jingħataw stadji importanti li jidentifikaw il-progress fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini. Madankollu, ma hemm l-ebda qafas ta’ politika ta’ sostenn fid-Direttiva għall-iżvilupp ta’ approċċ kost-effettiv għall-faqar fl-enerġija – waħda mill-kawżi li tikkontribwixxi għal dan hija l-bini residenzjali ineffiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-KESE jemmen li dan jista’ jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ din id-Direttiva u jissuġġerixxi l-inklużjoni ta’ sensiela ġdida ta’ emendi proposta dwar dan is-suġġett, relatati mal-Artikoli rilevanti tad-Direttiva tal-2012. Dan għandu jappoġġja r-rekwiżiti fir-Regolament propost dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija għall-Istati Membri biex jevalwaw u jispeċifikaw il-politika, il-miżuri u l-azzjonijiet biex jiġi indirizzat il-faqar fl-enerġija.

4.16.

Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li d-Direttiva għandha toffri kriterji biex jiddaħħlu f’definizzjoni ta’ referenza għall-faqar fl-enerġija kif ukoll tissuġġerixxi d-definizzjoni ta’ referenza tagħha stess. Din ma tkunx vinkolanti għall-Istati Membri biex jadottawha għal finijiet interni iżda għandha turi l-kriterji li skonthom ikunu meħtieġa jirrapportaw l-Pjani Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima. F’xi pajjiżi din id-definizzjoni ppermettiet li jiġi vvalutat il-progress – jew il-kontra – fl-indirizzar tal-faqar fl-enerġija, iżda l-KESE jirrikonoxxi li n-natura multifattorjali tal-problema tista’ tirrikjedi li jiġu prijoritizzati fatturi nazzjonali speċifiċi.

4.17.

Konsegwentement, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ koordinat b’mod sħiħ għall-faqar fl-enerġija, inkluż fehim tar-rwol u l-effettività mhux biss tal-bini effiċjenti fl-enerġija iżda wkoll tal-interventi finanzjarji (inklużi tariffi soċjali u metodi ta’ mitigazzjoni tal-faqar), pariri lill-konsumatur dwar l-għażla tal-fornitur u tat-tariffi, u informazzjoni dwar azzjonijiet ta’ ffrankar tal-enerġija. Sabiex tiġi massimizzata l-effiċjenza u l-effettività, huwa essenzjali kemm li jingħata l-parir, kif ukoll li l-miżuri jiġu kkoordinati, permezz ta’ aġenzija ta’ one-stop-shop jew aġenzija indipendenti u ffokata fuq il-konsumatur.

4.18.

Diversi studji u rapporti indipendenti tal-Kummissjoni indikaw ir-ritmu u l-effettività varjabbli li bihom l-Istati Membri qed jimplimentaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva EPBD. Il-kwistjonijiet jinkludu:

Problemi ta’ traspożizzjoni u interpretazzjoni, li l-Kummissjoni tkompli ssegwi permezz ta’ mekkaniżmi ta’ infurzar. Diversi Stati Membri huma mitluba jirrikonoxxu aktar l-importanza ewlenija tal-effiċjenza tal-enerġija tal-bini biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima u l-impenn lejn strateġiji ta’ rinnovazzjoni nazzjonali. Il-KESE jħeġġeġ lid-DĠ ENER biex iżomm is-sorveljanza bir-reqqa tiegħu fuq l-implimentazzjoni u jkompli jaġixxi b’mod rapidu meta jinvoka proċedimenti ta’ ksur.

Il-kwalità u l-komparabbiltà taċ-Ċertifikati tar-Rendiment Enerġetiku (EPCs). L-armonizzazzjoni speċifika ta’ rekwiżiti tal-UE għal esperti kwalifikati u dawk li jiċċertifikaw u l-inklużjoni ta’ kontrolli tal-kwalità għall-EPCs jistgħu jkunu ta’ għajnuna. Huwa wkoll mixtieq l-iżvilupp ta’ EPCs biex jipprovdu aktar informazzjoni teknika u rakkomandazzjonijiet għal titjib.

Il-KESE jinnota li l-metodu tad-Direttiva biex l-inċentivi finanzjarji jintrabtu mal-EPCs jippermetti biss il-ħlas a posteriori tal-inċentivi finanzjarji, peress li l-ħlas jiddependi fuq tqabbil ta’ “qabel” u “wara” l-EPCs. Dan huwa kontroproduttiv f’termini ta’ effiċjenza enerġetika, għax ir-rinovazzjonijiet li jiddependu fuq is-sussidji mhux se jseħħu sakemm is-sid ma jkunx żgur li jirċievi s-sussidju qabel iwettaq ir-rinnovazzjoni.

L-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u b’mod partikolari l-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni. Taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali perċentwal minimu ta’ finanzjament se jiġi allokat għall-bidla lejn ekonomija li għandha emissjonijiet ta’ karbonju baxxi fis-setturi kollha iżda l-applikazzjoni ta’ dawn il-fondi kollha għall-effiċjenza tal-enerġija tal-bini tvarja ħafna bejn l-Istati Membri. Teżisti gwida interpretattiva ċara iżda huwa meħtieġ aktar inkoraġġiment biex jintuża dan it-tip ta’ finanzjament.

Appoġġ għal taħriġ tekniku rilevanti fir-rinnovazzjoni tal-bini, b’mod partikolari fost l-SMEs li jikkostitwixxu aktar minn 90 % tal-intrapriżi Ewropej tal-kostruzzjoni.

4.19.

Il-Kumitat jinnota li fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE), u b’mod partikolari l-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni huma mistennija li jkollhom rwol ewlieni fir-rigward tar-rinnovazzjoni u l-kostruzzjoni tal-bini. Attwalment, hemm ħafna ostakli li jridu jingħelbu, partikolarment l-aċċess limitat għall-finanzi, spejjeż inizjali għoljin, perjodi relattivament twal ta’ ħlas lura, perċezzjoni ogħla tar-riskju tal-kreditu assoċjat ma’ investimenti f’enerġija sostenibbli, u prijoritajiet kompetituri għal sidien ta’ proprjetà, eċċ. (Gwida teknika Kummissjoni Ewropea – Fnanzjament tar-rinnovazzjoni enerġetika tal-bini permezz ta' finanzjament mill-Politika ta' Koeżjoni ). L-inizjattiva għall-Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti hija pass pożittiv biex jingħelbu xi wħud minn dawn il-problemi u jeżisti lok biex jiġu sfruttati l-ambizzjonijiet tal-Pjan Juncker sabiex jiġi rilaxxat aktar investiment f’dan il-qasam.

4.20.

Għaldaqstant, l-istabbiliment tal-prijoritajiet u r-responsabbiltajiet adatti għall-gvern lokali huwa essenzjali biex jiġi żgurat li r-riżorsi tal-programmi disponibbli jintużaw b’tali mod li jintlaħaq l-effett massimu sabiex jinqabżu r-rekwiżiti minimi (eż. ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni tal-enerġija, il-verifiki tal-enerġija, eċċ.) stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri, u l-livell ta’ finanzjament ipprovdut għandu jiżdied skont il-livell ta’ ambizzjoni.

4.21.

B’mod partikolari l-KESE jinnota l-potenzjal tal-Patt tas-Sindki f’dan ir-rigward. Issa b’aktar minn 7 000 muniċipalità involuti, il-firmatarji jimpenjaw ruħhom li jieħdu l-miżuri neċessarji tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli permezz tal-adozzjoni ta’ “Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli” (SEAPs). Il-mobilizzazzjoni ta’ bliet, li fihom hemm il-maġġoranza tal-ambjent mibni tagħna, hija inizjattiva lokali b’impatt globali.

4.22.

L-intenzjonijiet tad-Direttiva ġew milqugħa b’mod wiesa’ mill-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati tas-settur tal-industrija tal-bini kollu kemm hu u minn rappreżentanti tas-sidien u tal-inkwilini, kemm jekk kummerċjali kif ukoll residenzjali. Madankollu, se jkunu meħtieġa spirtu ta’ kooperazzjoni, djalogu u attitudni pożittiva ta’ impenn sabiex jitkompla l-progress fl-effiċjenza enerġetika li diġà ntlaħaq.

Brussell, is-26 ta’ April 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 341, 21.11.2013, p. 21, ĠU C 424, 26.11.2014, p. 64, ĠU C 82, 3.3.2016, p. 22, ĠU C 34, 2.2.2017, p. 78.


28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 246/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (verżjoni riformulata)”

[COM ((2016) 767 final — 2016/0382 (COD)]

(2017/C 246/09)

Relatur:

Lutz Ribbe

Korelatur:

Stefan BACK

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 1.3.2017

Kunsill Ewropew, 6.3.2017

Bażi legali

Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

11.4.2017

Adottata fil-plenarja

26.4.2017

Sessjoni plenarja Nru

525

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

108/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-preżentazzjoni tal-verżjoni riveduta tad-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Flimkien mal-proposti l-oħrajn tal-hekk imsejjaħ “pakkett tax-xitwa”, l-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli (ER) għandha rwol importanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija Ewropea, l-għanijiet tal-ħarsien tal-klima tal-UE kif ukoll l-għan li nerġgħu nsiru n-numru 1 fid-dinja fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli. Fis-sena 2030, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija għandu jkun 27 %.

1.2.

Biex jintlaħqu l-objettivi tal-klima u biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet l-għan ta’ 27 % għandu biss tifsira kundizzjonali. Il-mira ta’ 27 % għandha tinqara flimkien ma’ miżuri oħra għat-tnaqqis tas-CO2 (eż. it-titjib fl-effiċjenza) u għalhekk fil-fatt tista’ titqies biżżejjed, b’mod partikolari jekk il-leġislazzjoni fil-qasam tal-governanza tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu aktar miżuri, jekk ikun hemm bżonn. Meta l-għan jitqies flimkien mar-rekwiżit tar-rwol mexxej globali fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, u jekk, skont il-Kummissjoni, għandu jintlaħaq sehem ta’ 24,7 % tal-enerġija rinnovabbli mill-konsum aħħari tal-enerġija fl-2030 mingħajr reviżjoni tad-Direttiva, huwa ġġustifikat li wieħed jistaqsi jekk dan l-għan huwiex ambizzjuż biżżejjed.

1.3.

Filwaqt li jinnota l-arranġamenti ta’ ppjanar u monitoraġġ taħt is-sistema proposta għall-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, il-KESE jirrepeti d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li ma jeżistux miri nazzjonali vinkolanti.

1.4.

Il-KESE, fil-prinċipju, jappoġġja l-objettiv li l-enerġija rinnovabbli għandha tħaddan is-suq. Għal diversi raġunijiet, huwa ma jikkunsidrax sussidjar mingħajr limiti ta’ żmien, irrispettivament minn jekk tkunx ikkonċernata enerġija fossila, nukleari jew rinnovabbli.

1.5.

Madankollu, l-iskjerament tal-enerġiji rinnovabbli fis-swieq tal-elettriku mhux se jirnexxi jekk ma jinħolqux kondizzjonijiet indaqs għall-enerġiji kollha. Il-fatt li l-enerġija rinnovabbli llum il-ġurnata għadha tirrikjedi l-għajnuna mill-Istat fil-biċċa l-kbira huwa dovut għall-fatt li l-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali tgawdi minn sussidji għoljin. Għalhekk huwa importanti li tiġi eliminata d-distorsjoni eżistenti llum il-ġurnata fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli, pereżempju permezz ta’ kombinazzjoni ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija u skema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, li tkopri l-ispejjeż esterni kollha (ara l-Opinjoni tal-KESE — “Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini” – għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-KESE jenfasizza li dan irid u jista’ jikkawża l-anqas spejjeż addizzjonali possibbli għall-konsumaturi jew in-negozju.

1.6.

Il-politika l-ġdida tal-enerġija għandha tiffoka fuq tliet kelmiet bl-ittra D: deċentralizzazzjoni, diġitalizzazzjoni u demokratizzazzjoni. Is-sorsi rinnovabbli jirrikjedu wkoll l-implimentazzjoni ta’ disinn tas-suq ġdid li jaqbel mal-istrutturi deċentralizzati tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli.

1.7.

Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp, previst mill-Kummissjoni, ta’ strutturi tas-suq deċentralizzati u intelliġenti, iżda jitlob implimentazzjoni ħafna aktar effettiva tal-aspirazzjoni tal-Kummissjoni biex il-konsumaturi u ċ-ċittadini jitpoġġew fil-qalba tal-politika Ewropea dwar l-enerġija. Permezz tal-iżvilupp ta’ strutturi tas-suq intelliġenti ġodda jista’ jiġi rilaxxat ukoll il-potenzjal “rivoluzzjonarju” li, skont il-manifestazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, iġib miegħu t-tranżizzjoni enerġetika b’mod u manjiera li jimmassimizzaw kemm jista’ jkun il-benefiċċji soċjali u reġjonali.

1.8.

Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent tal-prosumaturi bħala atturi importanti fis-suq tal-enerġija l-ġdid, li huwa pass importanti lejn demokrazija enerġetika permezz tal-għoti ta’ setgħa lill-konsumaturi kbar u żgħar kif ukoll liċ-ċittadini. Huwa minnu li l-opportunitajiet offruti lilhom fil-proposta jirrappreżentaw ċertu progress meta mqabbel mas-sitwazzjoni preżenti, imma bl-ebda mod ma huma biżżejjed, pereżempju fir-rigward ta’ dritt li jista’ jiġi infurzat biex jaċċessaw u jużaw in-netwerks tal-provvista/il-grilji elettriċi pubbliċi. Għaldaqstant, il-proposta tista’ tiġi kkunsidrata biss bħala l-ewwel pass fil-vjaġġ twil lejn l-eżawriment tal-potenzjal soċjali, ekonomiku u reġjonali reali tas-swieq orjentati lejn il-prosumatur.

1.9.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tat-twaqqif u l-espansjoni rapidi ta’ grilji intelliġenti bħala mezz biex tiġi żgurata provvista stabbli u sigura, għall-irbit tas-settur permezz tal-integrazzjoni tas-sistemi power-to-heat, power-to-gas u vehicle-to-grid fil-grilja anke fil-livell mikro, li jippermettu kummerċ effiċjenti bejn il-pari, sabiex b’hekk il-prosumaturi jkunu jistgħu jieħdu sehem bis-sħiħ fis-suq tal-elettriku fuq livell ugwali.

1.10.

Id-diġitalizzazzjoni kapaċi tagħmilha possibbli għall-prosumaturi biex jipparteċipaw mhux biss fil-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli iżda wkoll fil-kummerċ. Il-formulazzjoni ta’ dritt pożittiv korrispondenti biex dan isir hija għalhekk rakkomandata ħafna mill-KESE.

1.11.

Għalkemm il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli, fost l-oħrajn anke mill-enerġiji bijoġeniċi (inklużi l-karburanti alternattivi), għall-ekonomija reġjonali jissemma fil-premessi, iżda ma jingħata l-ebda kunsiderazzjoni fit-test leġislattiv innifsu. Hemm nuqqas ta’ strateġija korrispondenti li tgħaqqad is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-iżvilupp ekonomiku reġjonali. Lanqas ma hija rikonoxxuta t-tifsira importanti tal-bliet, muniċipalitajiet u reġjuni kif ukoll tal-SMEs bħala forzi li jmexxu l-konverżjoni għall-enerġija rinnovabbli.

1.12.

Il-konnessjoni li saret possibbli tal-politika tal-enerġija ġdida mal-iżvilupp reġjonali mhijiex ta’ importanza biss mil-lat ta’ ekonomija reġjonali. Is-sehem tal-partijiet interessati lokali fi proġetti tal-enerġija deċentralizzati huwa ta’ sinifikat ukoll biex tinħoloq l-aċċettazzjoni: li park eoliku jkun il-proprjetà ta’ fond ta’ ekwità privata internazzjonali jew ta’ partijiet interessati lokali ma jagħmel l-ebda differenza għall-protezzjoni tal-klima jew is-sigurtà tal-enerġija, iżda huwa kruċjali għall-aċċettazzjoni pubblika tal-istess park eoliku.

1.13.

Il-faqar enerġetiku huwa problema soċjali li għandha tiġi indirizzata fil-kuntest tal-politika soċjali. Madankollu, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal li s’issa għadu ma ġiex sfruttat ta’ taħlita tal-produzzjoni tat-tisħin u l-elettriku minn sorsi rinnovabbli, iffrankar enerġetiku, trasferiment tat-tagħbija u prosumeriżmu biex tiġi indirizzata din il-problema. Dan jirrikjedi li jinstabu soluzzjonijiet biex jiffinanzjaw l-investimenti inizjali, eż. permezz ta’ fondi soċjali jew faċilitajiet ta’ investiment, u li jingħelbu l-ostakoli tal-aċċess għall-kapital permezz ta’ approċċ politiku sistematiku. Kull ċittadin u konsumatur Ewropew għandu jiġi megħjun isir prosumatur.

1.14.

Huwa minnu li fit-titolu tal-proposta għal Direttiva hemm referenza għall-“promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli”, iżda t-test tal-proposta ma jinkludi l-ebda strument ta’ appoġġ speċifiku. Madankollu, regoli rispettivament ċari huma indispensabbli biex tinħoloq is-sigurtà tal-investiment. Għaldaqstant, irid ikun hemm skema ta’ appoġġ dedikata, ċara u preċiża għall-kumpaniji tal-enerġija tal-komunità u l-prosumaturi. Il-KESE jappella li jiġu aġġornati d-dispożizzjonijiet applikabbli dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna mill-Istat bil-għan li tiġi stabbilita ċertezza legali massima biex jiġi attirat l-investiment.

1.15.

Il-KESE jappoġġja l-objettiv biex jiġu promossi enerġiji bijoġeniċi u karburanti alternattivi sostenibbli, iżda jiddispjaċih li dwar dan il-punt il-proposta toffri dispożizzjonijiet li parzjalment huma inflessibbli wisq biex jipprovdu adattament għaċ-ċirkostanzi lokali rigward l-użu ta’ materja prima u residwi. Fil-każ fejn il-bijokarburanti mhux sostenibbli jibdew jitwarrbu b’mod gradwali għandu jiġi evitat il-ħolqien ta’ assi mitlufa (sunken assets).

2.   Kummenti ġenerali dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli

2.1.

Il-KESE jemmen li hemm erba’ vantaġġi essenzjali li s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jistgħu jipprovdu għall-Unjoni Ewropea. Fil-verità, il-Kummissjoni qed tindirizza biss tnejn minn dawn fil-proposta tagħha għal direttiva, filwaqt li ma tispeċifikax kif meħtieġ.

(a)    Ħarsien tal-klima

2.2.

L-enerġija rinnovabbli għandha rwol deċiżiv biex jinkiseb l-objettiv tad-dekarbonizzazzjoni kważi kompleta tas-sistema tal-enerġija Ewropea. Madankollu, dan jirrikjedi li jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet:

Iridu jsiru avvanzi sinifikanti f’termini ta’ effiċjenza enerġetika (ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija).

Is-settur tat-trasport u tat-tisħin u t-tkessiħ jaqdu rwol ewlieni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. L-użu tal-elettriku li joriġina 100 % minn sorsi rinnovabbli se jkollu rwol importanti fit-trasformazzjoni tas-setturi tat-tisħin u tat-trasport f’setturi li jkunu aktar sostenibbli. Il-proposti rigward il-konnessjoni mal-grilja ta’ vetturi elettriċi (vehicle-to-grid), ir-regolamentazzjoni tal-power-to-heat u l-power-to-gas u l-iżvilupp ta’ grilji intelliġenti wkoll huma importanti hawnhekk (1).

(b)    Sigurtà tal-provvista

2.3.

Is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli se jagħmlu kontribut indispensabbli għas-sigurtà tal-provvista u biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-enerġija importata sakemm il-produzzjoni, l-użu u l-aġġustament tad-domanda jkunu koordinati. Madankollu, dan jirrikjedi inċentivi speċifiċi. Il-KESE jiddubita li l-iskemi ta’ appoġġ previsti f’din il-proposta u fil-proposta dwar it-tfassil tas-suq tal-elettriku huma biżżejjed. X’aktarx se jkunu meħtieġa aktar miżuri minħabba l-problema “tal-ispiża marġinali ta’ żero” fil-ġenerazzjoni tal-ER.

(c)    L-indirizzar tal-faqar enerġetiku

2.4.

Il-kurva tal-kost fil-każ tal-enerġiji rinnovabbli dejjem nieżla aktar ‘l isfel, huma ħafna orħos minn qabel u issa saru tant irħas li diġà jistgħu jagħtu kontribut kostruttiv għat-tnaqqis tal-problema tal-faqar enerġetiku. F’dan ir-rigward, l-iżvilupp tal-enerġija komunitarja (“prosum”) huwa għażla b’saħħitha ħafna. Pereżempju, studju mwettaq miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC Scientific and policy reports – Cost Maps for Unsubsidised Photovoltaic Electricity) juri li, anke fl-2014, l-elettriku awtoġenerat mill-enerġija solari kien irħas mill-elettriku mill-grilja għal 80 % tal-Ewropej. Iżda l-Kummissjoni Ewropea għadha ma żviluppatx strateġija xierqa biex turi din l-għażla liċ-ċittadini (ara TEN/598).

2.5.

Madankollu, l-aċċess għall-kapital huwa partikolarment kruċjali għal gruppi bi dħul baxx, u għandu jingħata appoġġ xieraq. Dan l-aspett soċjali la huwa indirizzat f’din id-Direttiva u lanqas fil-pakkett tax-xitwa kollu kemm hu għalkemm huwa rilevanti għall-objettiv tal-Kummissjoni Ewropea li tpoġġi liċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-politika dwar l-enerġija, f’konformità mal-Artikoli 17 u 21 tal-proposta.

2.6.

F’dan il-kuntest, il-KESE jaħseb li huwa opportun li jiġu eżaminati l-għażliet kollha possibbli biex iċ-ċittadini kollha jingħataw, kemm jista’ jkun, l-opportunità li jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-“ekonomija tal-enerġija” bħala parteċipanti ugwali fis-suq. Dan jinkludi wkoll li l-finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) jew kwalunkwe faċilità oħra ta’ investiment ikunu disponibbli, speċjalment anke għal unitajiet żgħar u ta’ mikroġenerazzjoni. Jekk il-konsumaturi bi dħul baxx ikunu jistgħu jaċċessaw kapital għal installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzati, dan jippermettilhom isiru prosumaturi. Permezz tal-hekk imsejħa sistema ta’ metraġġ nett, kif ipprattikata f’xi Stati Membri, fost l-oħrajn fl-Italja, in-Netherlands, il-Belġju (il-Vallonja), il-Polonja jew is-Slovenja, hija possibbli għajnuna finanzjarja diretta u din tista’ ttaffi l-problema tal-faqar enerġetiku.

(d)    Valur miżjud reġjonali

2.7.

L-enerġiji rinnovabbli huma min-natura tagħhom riżorsi reġjonali li issa kulħadd jista’ potenzjalment juża permezz tal-avvanzi fit-teknoloġija. Dan huwa partikolarment importanti f’reġjuni b’infrastruttura fqira, fejn iridu jiġu żviluppati opportunitajiet ġodda għal valur miżjud, u l-Kummissjoni Ewropea ġustament issemmi dan il-benefiċċju diversi drabi fil-premessi.

2.8.

Iżda li jiġi ġġenerat valur miżjud reġjonali jfisser li l-partijiet interessati lokali u reġjonali jiġu involuti konxjament b’mod strateġiku fi proċessi ekonomiċi, li jingħataw l-opportunità li jkollhom sehem fit-tiswir tagħhom u b’hekk jieħdu sehem fl-iżviluppi ekonomiċi. Effett sekondarju pożittiv mhuwiex biss l-aċċettazzjoni ogħla tal-espansjoni neċessarja tal-infrastruttura, iżda wkoll il-kofinanzjament tagħha.

2.9.

Madankollu, il-KESE jixtieq jara strateġija ċara għal irbit tal-iżvilupp reġjonali mal-espansjoni tal-ER. L-Istati Membri diġà kellhom ifasslu strateġiji korrispondenti wara li ġiet adottata d-Direttiva tal-ER qadima, iżda dan ma seħħx.

3.   Kummenti ġenerali dwar il-proposta għal Direttiva

3.1.

Il-KESE dejjem laqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea li titfa’ l-UE f’pożizzjoni ta’ mexxejja globali fl-enerġija rinnovabbli. Tabilħaqq, ħafna mill-proposti stabbiliti fil-proposta għal Direttiva jmorru fid-direzzjoni t-tajba (pereżempju l-prevedibbiltà tal-iskemi ta’ appoġġ, inkluża l-esklużjoni ta’ miżuri retroattivi). Madankollu, xorta waħda jeżisti l-periklu li t-tliet nuqqasijiet fundamentali segwenti jistgħu jibqgħu jfixklu l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli.

(a)    L-adegwatezza tal-istrumenti ta’ appoġġ

3.2.

Din il-proposta għal Direttiva hija mibnija fuq l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew f’Ottubru tal-2014 u tinkludi aġġornament tal-objettiv l-antik ta’ 20 % sal-2020 biex is-sehem tal-ER fil-konsum finali tal-enerġija jitla’ għal 27 % sal-2030, jiġifieri żieda ta’ anqas minn punt perċentwali fis-sena. Jekk ma ssirx ir-reviżjoni tad-Direttiva, fis-sena 2030, l-UE jkollha sehem ta’ madwar 24,7 %, allura wieħed irid jiġġenera żieda addizzjonali ta’ 2,3 %.

3.3.

Iżda r-rata baxxa ta’ tkabbir tfisser li mbagħad ikun hemm bżonn ta’ żieda esponenzjali fis-sehem tal-ER bejn l-2030 u l-2050 sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-“Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050” (COM(2011) 885 final). Il-miżuri neċessarji jistgħu jinkludu spejjeż ekonomiċi addizzjonali. Fi kwalunkwe każ, l-iżvilupp ta’ enerġiji rinnovabbli għandu jkun sorveljat mill-qrib sabiex tittieħed azzjoni korrettiva kmieni kemm jista’ jkun u bl-aktar mod kosteffiċjenti.

3.4.

Fil-valutazzjoni tal-impatt dwar il-proposta għal Direttiva (SWD(2016) 418 final) qed jiġi konkluż li skemi ta’ appoġġ x’aktarx se jkunu neċessarji tal-anqas sal-2030, taħt qafas legali stabbli. Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li din il-proposta għal Direttiva trid issemmi wkoll skemi ta’ appoġġ ċari li jistgħu jiġu implimentati malajr u effettivament. Madankollu, jemmen li dawn huma neqsin.

3.5.

L-“implimentazzjoni” tal-mekkaniżmi ta’ appoġġ se tkun f’idejn l-Istati Membri, dawn iridu jaġixxu f’konformità mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Iżda r-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE jiffissaw limiti stretti ħafna, iridu jiġu modifikati mill-aktar fis possibbli.

3.6.

Ir-regoli preżenti tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat wasslu għat-tnaqqis drastiku ta’ strumenti ta’ appoġġ li qabel kienu effettivi, bħall-prijorità tal-introduzzjoni tal-provvista tal-elettriku fil-grilja u l-pagament feed-in, li ntużaw speċjalment mill-parteċipanti żgħar u ġodda fis-suq. Strumenti ġodda bħal sejħa għall-offerti parzjalment jikkostitwixxu ostakoli li bilkemm jistgħu jingħelbu mill-prosumaturi, mill-enerġija tal-komunità u minn atturi oħra tas-suq.

3.7.

L-iskemi ta’ appoġġ stabbiliti fil-proposta huma prinċipalment relatati mal-istruttura tas-suq u xi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-ħtieġa għal “miżuri ta’ appoġġ stabbli u konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat”. Dan waħdu mhuwiex biżżejjed. Il-KESE iqis li hemm bżonn a) ir-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (Regolament (KE) Nru 800/2008) u li b) l-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-Ħarsien tal-Ambjent u l-Enerġija 2014 – 2020 jiġu riveduti malajr kemm jista’ jkun sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tagħhom mal-għanijiet tal-proposta, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-prosumaturi u l-SMEs.

3.8.

B’dan il-mod, pereżempju, id-deroga għal proġetti żgħar (punti 125 u 127 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent) trid tiżdied u l-valuri korrispondenti jridu jiġu stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, sabiex b’dan il-mod tinħoloq ċarezza assoluta.

3.9.

Il-KESE jiddubita l-effiċjenza tal-introduzzjoni ta’ kwoti rigward l-aċċess għal skemi ta’ appoġġ għal stallazzjonijiet fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari fl-isfond tal-għan li jiġu promossi l-enerġiji rinnovabbli deċentralizzati u l-iżvilupp ekonomiku reġjonali.

(b)    Distorsjonijiet tas-suq ixekklu l-enerġija rinnovabbli

3.10.

Il-messaġġ tal-pakkett tax-xitwa sħiħ ma jistax ikun aktar ċar: il-filosofija tal-Kummissjoni Ewropea hija li minn issa ‘l quddiem, jew kemm jista’ jkun malajr, l-enerġija rinnovabbli se jkollha tħaddan is-suq. Fil-qofol, dan għandu jintlaqa’, iżda jibqa’ problematiku sakemm żewġ distorsjonijiet fundamentali eżistenti tas-suq ma jiġux eliminati. Minn naħa għad hemm a) għajnuna mill-Istat diretta għall-impjanti tal-enerġija fuq bażi fossila, u, barra minn hekk, b) l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għadha għalkollox inadegwata. Għalhekk, l-elettriku minn impjanti tal-enerġija bbażati fuq il-karburanti fossili u forom oħra tal-enerġija li joriġinaw minn riżorsi fossili, għandu vantaġġ sistemiku fil-konfront ta’ enerġija rinnovabbli li ma tikkawżax spejjeż jew li tikkawża biss spejjeż esterni marġinali. Il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) jistima li madwar id-dinja s-sussidji għall-enerġija “maħmuġa” jammontaw għal USD 5,3 triljuni kull sena; iċ-ċifra għall-UE hija ta’ madwar USD 330 biljun fis-sena.

3.11.

Għalkemm dawn id-distorsjonijiet tas-suq kontra l-enerġija rinnovabbli ilhom is-snin magħrufa, u minkejja l-wegħda li jintemmu dawn il-kundizzjonijiet mhux ugwali, ftit li xejn ittieħdet azzjoni; dan huwa l-akbar difett li jxekkel lill-enerġija rinnovabbli u li għandu jiġi eliminat!

3.12.

Min-naħa l-oħra, hija ħaġa kurjuża li dan l-aħħar kien hemm kritika tad-distorsjonijiet tas-suq allegatament ikkawżati minn appoġġ għall-enerġija rinnovabbli. Dan mhuwiex xieraq. Il-fatt li l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli għadu meħtieġ huwa fil-biċċa l-kbira konsegwenza tas-sussidjar tal-ġenerazzjoni ta’ enerġija konvenzjonali. Fi kliem ieħor: jekk jitwaqqfu s-sussidji għall-ġenerazzjoni tal-enerġija fl-impjanti tal-enerġija bbażati fuq il-karburanti fossili, u b’hekk jiġu provduti kundizzjonijiet ekwi ġenwini, il-biċċa l-kbira tal-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli ma tibqax neċessarja. Il-KESE jerġa’ jtenni l-pożizzjoni tiegħu li, fost l-oħrajn, bi strumenti bbażati fuq is-suq, jinħolqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, li jnaqqsu d-distorsjonijiet tas-suq u ma jkomplux jiżvantaġġaw lill-enerġija rinnovabbli (ara l-Opinjoni tal-KESE dwar ir-Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini).

(c)    Is-suq attwali tal-elettriku mhuwiex adattat għal enerġiji rinnovabbli

3.13.

L-industrija tal-enerġija l-antika hija karatterizzata minn għadd relattivament żgħir ta’ impjanti ta’ ġenerazzjoni, kull wieħed b’kapaċità għolja. Min-naħa l-oħra, sistema tal-enerġija msawra minn enerġiji rinnovabbli hija aktar karatterizzata minn kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni iżgħar u deċentralizzati.

3.14.

Il-KESE diġà esprima l-fehmiet tiegħu dwar kunċetti ġodda konċepibbli għall-organizzazzjoni tal-kummerċ tal-elettriku f’sistemi deċentralizzati, inkluż “approċċ ċellulari” (2). Dawn huma bbażati fuq il-prinċipju li l-parteċipanti żgħar fis-suq għandhom ukoll ikunu jistgħu jikkomunikaw direttament ma’ xulxin u jwettqu kummerċ fl-enerġija. Għalhekk, il-kwistjoni mhijiex biss ta’ għażliet għat-titjib tal-ġenerazzjoni, iżda wkoll ta’ parteċipazzjoni fil-kummerċ.

3.15.

Tali tranżazzjonijiet bejn il-pari jippermettu parteċipazzjoni minn firxa wiesgħa tas-soċjetà, li ma tkunx limitata biss għall-ġenerazzjoni u l-awtokonsum, iżda tkopri wkoll il-ġestjoni attiva ta’ impjanti iżgħar u reġjonali tal-enerġija, u b’dan il-mod jinfetħu opportunitajiet totalment ġodda għal valur miżjud. Dan jinkludi wkoll l-irbit tas-settur, għaliex f’ħafna każijiet it-tisħin u l-enerġija użata għall-mobilità huma komoditajiet lokali ġġenerati u kkunsmati f’unitajiet żgħar.

3.16.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li minħabba ostakoli amministrattivi u regolamentazzjoni li b’kollox hija insuffiċjenti, fil-preżent, il-kummerċ bejn il-pari huwa impossibbli f’ħafna Stati Membri. Din is-sitwazzjoni trid tinbidel b’din il-proposta għal Direttiva u l-proposta għad-disinn tas-suq tal-elettriku, iżda l-KESE jinnota dgħufijiet kbar fiż-żewġ proposti.

3.17.

Il-ftuħ tas-swieq tal-elettriku għal tranżazzjonijiet bejn il-pari madwar l-Unjoni kollha jkun ta’ għajnuna sabiex jiġu sfruttati l-potenzjali enormi soċjali u fis-settur tal-enerġija li ġġib magħha l-enerġija rinnovabbli. Billi tinjora dan il-punt u għaldaqstant ma tikkunsidrax ukoll ostakli ferm prattiċi bħall-valuri ta’ limitu għall-kummerċ fil-qasam tal-enerġija, il-Kummissjoni Ewropea qed taħli opportunità kbira, li tista’ tpoġġi liċ-ċittadini, il-prosumaturi kbar u żgħar u l-SMEs Ewropej f’pożizzjoni ħafna aħjar fis-suq tal-elettriku, tippermetti entitajiet akbar biex jesportaw “soluzzjonijiet fil-qasam tal-enerġija” lejn swieq mhux Ewropej u, b’mod ġenerali, ittejjeb l-aċċettazzjoni mis-soċjetà tat-tranżizzjoni tal-enerġija.

4.   Kummenti speċifiċi dwar it-test tad-Direttiva

(a)    L-ebda mira nazzjonali vinkolanti

4.1.

Il-KESE itenni l-kritika tiegħu (3) li, b’differenza għad-Direttiva tal-2009, id-Direttiva l-ġdida ma għadhiex tistabbilixxi miri nazzjonali vinkolanti. Huwa għad għandu dubji dwar jekk il-governanza ppjanata tistax “tħeġġeġ” speċjalment lil dawk l-Istati Membri li qegħdin jopponu miri nazzjonali vinkolanti, sabiex ikunu aktar proattivi. M’hemm l-ebda dispożizzjoni fil-proposta għal strument speċifiku li jista’ jintervjeni jekk il-mira ta’ 27 % ma tiġix issodisfata (ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija). Il-KESE, min-naħa l-oħra, jirrikonoxxi r-“responsabbiltà kollettiva” kif stabbilita fl-Artikolu 3 tal-proposta peress li, skont il-proposta għal Regolament dwar il-Governanza, is-sanzjonijiet finanzjarji huma pprovduti f’każ li dawn il-miri ma jintlaħqux b’mod kollettiv fil-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima. Madankollu, mhuwiex ċar kif dawn se jiġu eżegwiti.

(b)    Ebda strateġija għall-iżvilupp reġjonali

4.2.

Fil-fehma tal-KESE, il-Kummissjoni tonqos milli tirrikonoxxi s-sinifikat ta’ parteċipazzjoni attiva tal-partijiet interessati lokali u reġjonali, kemm fir-rigward tal-aċċettazzjoni tal-politika mibdija kif ukoll tal-konsegwenzi għall-ekonomija reġjonali. It-tkabbir previst tal-elettromobbiltà weħidha se jiftaħ opportunitajiet ġodda kbar ħafna għall-ekonomija reġjonali, diment li l-iżvilupp meħtieġ tal-infrastruttura tal-ġenerazzjoni u tad-distribuzzjoni jkun iffokat konsistentement fuq mudelli operattivi deċentralizzati (4).

4.3.

Dan jestendi wkoll l-għan li l-użu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jsir kemm jista’ jkun irħis għall-kontribwenti u għall-konsumaturi. Madankollu, dan irid ikun ibbażat mhux fuq il-prezzijiet tal-elettriku weħidhom, iżda fuq perspettiva ekonomika reġjonali u nazzjonali ġenerali. Pereżempju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-aspett ta’ impjiegi reġjonali ġodda (ara l-premessa 49). Il-KESE jenfasizza t-tendenza ta’ ħafna Stati Membri sal-lum a) li jimponu piżijiet bla bżonn u mhux ġustifikati fuq l-enerġija ġġenerata u kkonsmata lokalment, u b) li jinjoraw kompletament l-aspetti reġjonali.

4.4.

Barra minn hekk, fil-parti l-kbira tagħhom, ir-regolamenti tal-Istati Membri ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-grilja u tas-sistema. Il-KESE huwa konvint li soluzzjonijiet deċentralizzati fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal anqas spejjeż tal-grilja u tas-sistema u f’dan ir-rigward jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni espressa fil-premessa 52.

4.5.

Din il-premessa qiegħda tiġi adottata mid-Direttiva 2009/28/KE, iżda din ma rnexxilhiex twassal sabiex fis-snin li għaddew l-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji reġjonali speċifiċi korrispondenti. Il-KESE stabbilixxa (Changing the future of energy – Civil society as a main player in renewable energy generation – EESC study on the role of civil society in the implementation of the EU Renewable Energy Directive) li fil-qasam tar-regolazzjoni u l-programmi ta’ finanzjament ta’ ħafna Stati Membri, l-aspetti reġjonali u lokali ma jsibux applikazzjoni u li diversi gvernijiet u amministrazzjonijiet nazzjonali saħansitra jqisu li dan huwa dovut għal-leġislazzjoni Ewropea. Għalhekk, hija meħtieġa speċifiċità akbar f’dan ir-rigward. Huwa minnu li bil-proposta se jinħolqu kundizzjonijiet formali għad-deċentralizzazzjoni u l-iżvilupp reġjonali, iżda ma tinkludi l-ebda obbligu għall-implimentazzjoni ta’ strateġija koerenti rilevanti. Fil-fehma tal-KESE, l-elenku ta’ prinċipji mingħajr bażi legali suffiċjenti mhuwiex ekwivalenti għal regolamentazzjoni effiċjenti.

4.6.

Għall-preċiżazzjoni ulterjuri tal-premessa 49, fit-test leġislattiv, il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkonkretizza x’għandu jiġi mfisser bl-espressjoni fid-Direttiva “Għalhekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jappoġġaw miżuri ta’ żvilupp reġjonali u nazzjonali f’dawk l-oqsma […] u jippromwovu l-użu tal-finanzjament strutturali f’dan il-qasam”. Il-kontenut preċiż tal-premessa 50 għadu ugwalment vag meta d-Direttiva taqra kif ġej: “[…] jeħtieġ li jitqies l-impatt pożittiv fuq l-opportunitajiet ta’ żvilupp reġjonali u lokali, il-prospetti għall-esportazzjoni, il-koeżjoni soċjali u l-opportunitajiet ta’ impjieg, b’mod partikolari fir-rigward ta’ SMEs kif ukoll produtturi indipendenti tal-enerġija”. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-premessa 52 (“[…] jitħalla jsir l-iżvilupp ta’ teknoloġiji deċentralizzati ta’ enerġija rinnovabbli taħt kundizzjonijiet mhux diskriminatorji u bla xkiel għall-finanzjament tal-investimenti fl-infrastruttura”), il-KESE jilqa’ l-promozzjoni tal-approċċi deċentralizzati, iżda anke hawnhekk jeżisti bżonn sostanzjali ta’ kjarifika u speċifikazzjoni.

(c)    Hemm bżonn ta’ regoli aktar ċari għall-prosumaturi u d-drittijiet tal-konsumatur

4.7.

Huwa żvilupp pożittiv li t-termini “tisħin distrettwali”, “awtokonsumaturi tas-sorsi rinnovabbli”, “awtokonsum ta’ sorsi rinnovabbli”, “SME” u “komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli” (Artikolu 21) huma tal-anqas definiti parzjalment u b’hekk rikonoxxuti bħala termini legali li huma ta’ rilevanza għall-politika u r-regolamentazzjoni tal-enerġija. Fl-imgħoddi, nuqqas ta’ ċarezza fit-terminoloġija wassal għal inċertezza sinifikanti fl-investiment. Iżda hemm żewġ problemi. Minn naħa għad m’hemmx definizzjoni ċara ta’ prosumatur, u d-definizzjonijiet proposti mhumiex dejjem applikati b’mod konsistenti fil-pakkett tax-xitwa. Min-naħa l-oħra, is-sustanza legali tad-Direttiva mhijiex mgħammra biex verament tpoġġi dawn il-kunċetti fil-prattika. L-iżvilupp ta’ dawn ir-regoli jiddependi fuq implimentazzjoni effettiva. Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea ma toffrix għajnuniet ċari ta’ orjentazzjoni għal din l-implimentazzjoni.

4.8.

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-awtokonsumaturi tal-enerġija rinnovabbli:

Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjonijiet dwar l-awtokonsumaturi fl-Artikolu 21(1) sa (3). Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet hemm imnejn jibqgħu ineffettivi jekk l-Artikolu ma jispjegax b’mod komprensiv xi jfisser meta jgħid li l-awtokonsumaturi “jkunu intitolati li jipprattikaw l-awtokonsum u jbiegħu, inkluż permezz ta’ ftehimiet ta’ xiri tal-qawwa elettrika, il-produzzjoni eċċessiva tagħhom ta’ elettriku rinnovabbli bla jiġu soġġetti għal proċeduri u imposti sproporzjonati li ma jirriflettux l-ispejjeż”. Ir-riferiment għad-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi għandu jiġi kkomplementat minn riferment għall-Kapitolu III tal-proposta għal Direttiva dwar regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku, li fih ikollu jiġi stabbilit liema drittijiet speċifiċi effettivament għandhom b’mod konkret il-konsumaturi tal-enerġija li jikkonsmaw l-elettriku tagħhom stess u kif jistgħu jagħmlu użu minn dawn id-drittijiet, fost l-oħrajn id-dritt li jagħmlu użu mit-tranżazzjonijiet bejn il-pari.

Il-Kummissjoni għandha, pereżempju, tiċċara wkoll li l-awtokonsum tal-elettriku mingħajr l-użu tal-infrastruttra, l-istess bħall-awtokonsum tas-sħana, għandu jiġi eżentat mit-taxxi u l-imposti.

Id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu li f’ċerti ċirkostanzi l-awtokonsumaturi m’għandhomx jiġu ttrattati bħala fornituri tal-enerġija fis-sens tradizzjonali, imorru fid-direzzjoni t-tajba, iżda jridu jiġu ppreċiżati. Fil-fatt, “awtokonsum” u “forniment” huma żewġ affarijiet differenti. Il-limiti indikati fil-proposta għal direttiva huma baxxi wisq. Jekk wieħed jikkunsidra mudelli ta’ negozju reali – flimkien mad-dispożizzjonijiet għal proġetti żgħar stabbiliti fil-punti 125 u 127 tar-regoli eżistenti dwar l-għajnuna – il-valuri ta’ limitu xierqa għal unitajiet domestiċi jkunu 20 MWh (6 000 MWh għall-enerġija eolika) u għal entitajiet ġuridiċi 1 000 MWh (36 000 MWh għall-enerġija eolika).

Id-dispożizzjoni li tgħid li jenħtieġ li l-awtokonsumaturi jiġu rimunerati skont il-valur tas-suq għall-elettriku li jikkontribwixxu għall-grilja tirrikjedi definizzjoni tat-terminu “valur tas-suq”. Sakemm is-suq jibqa’ distort minħabba s-sovvenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija bil-materji primi fossili, ma tkunx xierqa dispożizzjoni skont il-livell tal-prezz fis-suq bl-ingrossa. Barra minn hekk, ir-rimunerazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-istat tas-sistema fl-intier tagħha (fost l-oħrajn fir-rigward tal-kapaċità tan-netwerk), biex l-awtokonsumaturi jingħataw inċentiv biex jaħżnu l-enerġija “b’mod xieraq għas-sistema” jew jittrasferixxu t-tagħbija.

Il-KESE jilqa’ l-proposta fil-paragrafu 2 sabiex tiġi regolata l-provvista lil binjiet individwali, minħabba li din telimina inġustizzja profonda li ilha teżisti għal snin sħaħ.

4.9.

Fir-rigward tar-rekwiżiti u l-permessi amministrattivi, il-KESE jinnota li l-intenzjoni proposta fl-Artikoli 15 u 16 hija fundamentalment korretta. Iżda hemm għadd ta’ problemi bit-test propost. L-ewwel nett, it-terminu “mezzi deċentralizzati” fil-paragrafu 1 (d) tal-Artikolu 15 huwa vag wisq. Dan irid jiġi ddefinit. It-tieni nett, l-Istati Membri jonqsu regolarment milli jissodisfaw l-objettiv li jpoġġi l-enerġija komunitarja fuq livell ugwali mal-parteċipanti ewlenin fis-suq; dan ta’ spiss ikun dovut għall-interpretazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Allura, sakemm ir-regoli rilevanti għal proġetti żgħar, awtokonsum u prosumeriżmu ma jitfasslux b’aktar ċarezza, mhux se jkun hemm livell ugwali. Fuq din il-kwistjoni hemm neċessità urġenti biex il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni. It-tielet nett, il-proposti fl-Artikoli 15 u 16 jirrigwardjaw biss il-produzzjoni. Sabiex il-parteċipanti fis-suq, bħalma huma l-kumpaniji tal-enerġija tal-komunità, jiksbu aċċess sħiħ għas-suq tal-enerġija u, fuq kollox, ikunu jistgħu jwettqu tranżazzjonijiet bejn il-pari, huma għandhom bżonn proċeduri simplifikati f’dak li jirrigwarda l-ħżin tal-elettriku, il-kummerċ u l-awtokonsum.

4.10.

Fir-rigward tal-“garanziji tal-oriġini” (GO), l-Artikolu 19 tal-proposta ma jirriflettix suffiċjentement il-falliment tas-suq eżistenti. Filwaqt li l-proposta trid l-għażla tal-konsumatur sabiex jinċentiva l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-enerġija rinnovabbli, id-dritt tal-Unjoni attwali jippermetti offerti qarrieqa ta’ “elettriku nadif”. Il-fornituri huma permessi li jużaw il-GOs sabiex jibnu faċċata ħadra, filwaqt li jkomplu jiġġeneraw, jixtru u jbigħu elettriku mhux rinnovabbli. Fil-leġislazzjoni futura tal-UE, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiġu obbligati jistabbilixxu rekwiżiti vinkolanti għall-parteċipanti kollha fis-suq li joffru tariffi għall-“elettriku aħdar”. Jenħtieġ li l-fornituri jissostanzjaw il-benefiċċju ambjentali addizzjonali ta’ dawn it-tariffi. Madankollu, il-proposta tal-Kummissjoni tista’ żżid il-konfużjoni tal-konsumaturi u żżid ukoll il-provvista eċċessiva tal-GOs. Barra minn hekk, il-komunitajiet tal-prosumaturi li jikkummerċjalizzaw l-elettriku tagħhom direttament, għandhom jinħelsu mill-obbligu li jidentifikaw l-oriġini tal-elettriku tagħhom, peress li l-oriġini jista’ jiġi dderivat b’mod ċar permezz tal-prosumeriżmu jew il-karatteristika bħala enerġija komunitarja.

(d)    Miri ambizzjużi u aktar flessibilità għal karburanti bijoġeniċi u karburanti alternattivi

Bijokarburanti

4.11.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-approċċ tal-proposti dwar il-bijofjuwils huwa wisq riġidu. Filwaqt li jiġi rispettat l-għan li ma jinfluwenzax il-produzzjoni tal-ikel, huwa wkoll importanti li jiġi permess l-użu ottimali tar-riżorsi disponibbli. Għaldaqstant, il-KESE jtenni l-fehma tiegħu li żviluppati dawk il-bijofjuwils li ma jiġux minn prodotti agrikoli jew l-użu tal-art li għandhom effett fuq il-produzzjoni tal-ikel, iżda minn sorsi oħra bħal prodotti residwi, sekondarji u tal-iskart, inkluż mill-forestrija(ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport (5)). Il-KESE jenfasizza wkoll li kull miżura ta’ tneħħija gradwali għandha tiġi implimentata biex jiġu evitati assi mitlufa.

4.12.

Fl-opinjoni tiegħu dwar Tibdiliet indiretti fl-użu tal-art (ILUC)/Biofuels (6) tas-17 ta’ April 2013, il-KESE staqsa x’kontribuzzjoni kwantitattiva jistgħu jagħmlu l-“bijokarburanti avvanzati” u b’liema spiża. S’issa, dawn il-mistoqsijiet għadhom ma ġewx imwieġba.

4.13.

Huwa rrimarka wkoll li ż-żieda fil-kultivazzjoni u l-użu ta’ impjanti taż-żejt bħala parti minn agrikoltura partikolarment sostenibbli (jiġifieri polikultura) tista’ tagħti l-opportunità għal applikazzjonijiet utli ħafna, bħat-tħaddim ta’ makkinarju tal-agrikoltura u l-forestrija. Madankollu, dan huwa qasam ieħor fejn, s’issa, il-Kummissjoni ma tidhirx li għandha strateġija xierqa; il-proposta għal Direttiva ma ssolvix din il-problema.

4.14.

Il-KESE jqis li huwa importanti li tkun tista’ tinżamm flessibilità fir-rigward tat-tnaqqis tal-bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa ġġenerati mill-ikel jew minn għelejjel tal-ikel, diment li jissodisfaw il-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 27 tal-proposta.

4.15.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 26(5) sabiex tiġi żgurata forestrija sostenibbli. Il-KESE jirrakkomanda li d-definizzjoni ta’ “Permess ta’ ħsad” fl-Artikolu 2 (jj) tiġi riformulata biex tinkludi l-forom kollha ta’ awtorizzazzjonijiet validi legalment għall-ħsad tal-bijomassa tal-foresti.

Elettromobbiltà

4.16.

Il-kwoti stabbiliti fid-Direttiva għal karburanti alternattivi ma jirrikonoxxux il-potenzjal kbir ta’ tkabbir tal-elettromobbiltà. Bis-sehem tal-enerġiji rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku li qed jiżdied b’mod rapidu, l-elettromobbiltà hija wkoll meħtieġa, minħabba li toffri flessibilità u, jekk tiġi implimentata kif suppost minn perspettiva strateġika, jista’ jkollha rwol kbir fl-iżvilupp ta’ strutturi ta’ prosum.

4.17.

Minbarra l-kwota għall-karburanti alternattivi, mhux l-inqas minħabba raġunijiet ta’ politika reġjonali u industrijali u bil-għan li tintemm id-dipendenza enerġetika tal-Ewropa, mira possibbli għas-sehem tal-elettromobbiltà bl-użu ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli tista’ tkun dik ta’ 10-20 % sal-2030. Huwa importanti wkoll li l-kriterji tas-sostenibbiltà fl-Artikolu 27, li jirrigwardjaw is-sehem massimu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija, jiġu applikati wkoll għas-settur tat-trasport, sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet eċċessivi fuq l-użu tal-bijokarburanti fis-settur tat-trasport.

(e)    Impulsi ġodda għall-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u għat-tisħin distrettwali

Gass u sħana

4.18.

Il-proposta fl-Artikolu 23 li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fornuta għat-tisħin u t-tkessiħ jiżdied b’mill-anqas punt perċentwali wieħed kull sena mhijiex biżżejjed. Ikun hemm bżonn li jiġu stabbiliti miri ferm ogħla jekk irridu nilħqu l-objettivi klimatiċi.

4.19.

Il-valutazzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) dwar l-estensjoni tal-infrastruttura tan-netwerk tal-gass bil-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-gass minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tagħmel sens, iżda wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-gass huwa wkoll enerġija fossili limitata. F’dan ir-rigward, issir referenza għall-Opinjoni dwar Is-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali (7). Meta jiġu stabbiliti l-kriterji għall-valutazzjoni, irid jiġi żgurat li l-aspett tal-integrazzjoni settorjali jittieħed inkunsiderazzjoni.

4.20.

Il-KESE jilqa’ l-proposta fl-Artikolu 20(3) u fl-Artikolu 24 sabiex jissaħħu l-kunċetti tat-tisħin distrettwali, minħabba li dawn huma metodi importanti għall-iżvilupp tal-integrazzjoni settorjali, billi jindirizzaw il-faqar enerġetiku u jagħtu spinta lill-ekonomija reġjonali. Fl-istess waqt jistabbilixxi li s-soluzzjonijiet distrettwali jew reġjonali li jintegraw is-settur ta’ spiss jeħlu fir-regolazzjoni nazzjonali.

Brussell, is-26 ta’ April 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 151.

(2)  ĠU C 82, 3.3.2016, p. 13ĠU C 34, 2.2.2017, p. 78.

(3)  ĠU C 291, 4.9.2015, p. 8.

(4)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 78.

(5)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 56.

(6)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 56.

(7)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 70.


28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 246/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew DWAR “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha”

[COM(2016) 860 final]

(2017/C 246/10)

Relatur:

Ulrich SAMM

Korelatur:

Toni VIDAN

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 17.2.2017

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

11.4.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

26.4.2017

Sessjoni tal-plenarja Nru

525

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

136/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-pakkett dwar l-“enerġija nadifa”, li għandu l-għan li jaċċellera, jittrasforma u jikkonsolida t-tranżizzjoni tal-ekonomija tal-UE lejn enerġija nadifa, filwaqt li jżomm l-għanijiet importanti ta’ tkabbir ekonomiku u ta’ ħolqien tax-xogħol.

1.2.

Skont dan il-pakkett, iċ-ċittadini għandhom ikunu fil-qalba tal-Unjoni tal-Enerġija, li jfisser l-involviment attiv tagħhom fil-proċess ta’ tranżizzjoni u, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas ta’ politika li jiżguraw spejjeż tal-enerġija affordabbli għall-partijiet kollha tas-soċjetà tagħna, inklużi l-persuni vulnerabbli. Il-KESE japprova dawn il-prinċipji, filwaqt li jesprimi tħassib dwar jekk il-proposti regolatorji humiex speċifiċi biżżejjed sabiex jissodisfawhom.

1.3.

Il-KESE jixtieq jisħaq dwar il-fatt li l-“enerġija nadifa” mhijiex ta’ benefiċċju biss għall-klima globali, iżda anki għall-kwalità tal-arja fuq skala lokali b’mod partikolari, u b’hekk tipprovdi ambjent aħjar u aktar f’saħħtu għal kulħadd.

1.4.

Il-pakkett huwa komponent wieħed fl-ilħuq tal-impenji li ħadet l-UE fil-ftehim ta’ Pariġi 2015 dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. It-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u l-prodotti u s-servizzi effiċjenti fl-enerġija ser ikunu ta’ importanza ewlenija, peress li għadna ‘l bogħod ħafna minn kundizzjonijiet ekwivalenti li fihom l-enerġija rinnovabbli tkun tista’ tkampa mingħajr appoġġ speċjali.

1.5.

Il-KESE jilqa’ d-diversi elementi tal-pakkett li jindirizzaw it-tisħin u t-tkessiħ tal-bini, l-ekodisinn, is-suq tal-elettriku u t-trasport, li huma passi fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, huwa mħasseb li, għalkemm il-pakkett huwa pass kbir ‘il quddiem, għad hemm bżonn li jsiru sforzi enormi sabiex jinkisbu kundizzjonijiet ekwi sodisfaċenti għall-parteċipanti kollha fis-suq tal-enerġija u, fl-istess ħin, sabiex isir progress lejn ekonomija tal-enerġija ħielsa mill-karbonju.

1.6.

Il-KESE japprezza l-istampa ottimista ppreżentata fil-pakkett, b’xi suppożizzjonijiet kemxejn pożittivi dwar żieda fil-produzzjoni industrijali relatata mat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u mat-teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija u n-numru ta’ impjiegi li jistgħu jinħolqu. Madankollu, il-KESE jixtieq jenfasizza wkoll li jeżistu riskji u perikli serji, speċjalment jekk il-proċess ta’ tranżizzjoni jkun mgħaġġel jew kajman wisq u jkun nieqes minn ippjanar integrat. Kemm l-opportunitajiet kif ukoll ir-riskji għandhom jiġu kkunsidrati b’mod adegwat.

1.7.

B’mod partikolari, il-kompitu enormi involut fit-trasformazzjoni tal-ekonomija tar-reġjuni li fil-parti l-kbira llum huma bbażati fuq l-industrija tal-faħam jistħoqqlu kunsiderazzjoni ferm akbar minn dik li ngħatat fil-pakkett attwali.

1.8.

Il-Kunsill Ewropew stabbilixxa mira ta’ mill-anqas 27 % għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli kkunsmata fl-UE fl-2030. Il-mira minima hija vinkolanti fil-livell tal-UE iżda mhijiex ser tissarraf f’miri vinkolanti f’livell nazzjonali. Il-KESE jiddispjaċih li attwalment m’hemmx qbil fost l-Istati Membri dwar politika tal-enerġija komuni u, b’mod partikolari, dwar il-miri nazzjonali. Il-Kummissjoni tixtieq issolvi din il-problema billi tintroduċi skema ta’ governanza dwar il-pjani nazzjonali integrati tal-enerġija u tal-klima li fihom l-Istati Membri jiggarantixxu l-kontributi tagħhom.

1.9.

Il-KESE jqis li l-proposta ta’ governanza hija l-aktar parti diffiċli u kruċjali tal-pakkett dwar l-“enerġija nadifa”. Jinsab imħasseb ħafna dwar il-proposta għal Regolament. Il-kontenut finali tal-pjani nazzjonali u l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri jiddependi fuq ftehim sodisfaċenti mal-Kummissjoni, li jista’ jintlaħaq permezz ta’ konsultazzjonijiet, l-attitudnijiet pubbliċi u l-influwenza u l-pressjoni mill-pari. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda deskrizzjoni dettaljata tal-“miżuri” disponibbli għall-Kummissjoni, bħall-pjattaforma finanzjarja, jekk il-miri ġenerali ma jintlaħqux.

1.10.

Il-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel” huwa prinċipju ewlieni fil-proposta li l-KESE jappoġġja kompletament. Madankollu, l-effiċjenza enerġetika hija għodda għall-modernizzazzjoni tal-ekonomija tal-Ewropa, u mhux mezz li bih jittaffa l-faqar enerġetiku. Ikun qerq li jingħad mod ieħor, għaliex l-effiċjenza enerġetika tirrikjedi investimenti li konsumaturi vulnerabbli jistgħu ma jkunux jaffordjaw.

1.11.

Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni issa qed tistabbilixxi Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku kif diġà ġie propost mill-KESE fl-2013. Dan jista’ jkun kruċjali għal approċċ koordinat b’mod sħiħ fir-rigward tal-faqar enerġetiku permezz ta’ diversi miżuri bħal pereżempju tariffi soċjali, miżuri għall-mitigazzjoni tal-faqar, pariri lill-konsumatur jew l-effiċjenza tal-enerġija.

1.12.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-bażijiet finanzjarji tal-pakkett fi klima ta’ awsterità pubblika u ta’ tkabbir baxx madwar l-UE u dwar jekk il-mezzi previsti tal-UE (u l-ingranaġġ tagħhom) humiex ser ikunu biżżejjed sabiex jilħqu l-għanijiet.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Din l-Opinjoni tindirizza l-pakkett “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha” b’mod ġenerali, filwaqt li serje ta’ Opinjonijiet oħra (TEN/617, 618, 619, 620, 621, 622, 623, 625 u NAT/702) jindirizzaw il-partijiet speċifiċi tiegħu relatati ma’ diversi proposti leġislattivi li jkopru l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli u d-disinn tas-suq tal-elettriku, is-sigurtà tal-provvista u r-regoli ta’ governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

2.2.

Oriġinarjament, il-pakkett dwar l-enerġija nadifa ma kienx previst bħala pakkett, iżda bħala sekwenza ta’ proposti. Madankollu, minħabba l-interkonnessjonijiet bejn dawn il-proposti, il-KESE jilqa’, minn naħa, li ġie deċiż li jinġabru f’pakkett wieħed u jikkritika, min-naħa l-oħra, id-daqs tal-pakkett li jammonta għal eluf ta’ paġni, u b’hekk jagħmel diffiċli l-parteċipazzjoni pubblika u tas-soċjetà ċivili fl-iskrutinju u d-diskussa bir-reqqa tal-proposta.

2.3.

Ta’ min jiftakar li l-proġett tal-Unjoni tal-Enerġija ilu għaddej żmien twil u diġà nħarġu pakketti preċedenti (eż. is-sigurtà tal-provvista tal-gass), xprunati bis-saħħa minn tħassib kbir dovut għat-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

2.4.

Il-pakkett dwar l-enerġija nadifa jikkonċerna kull waħda mill-ħames dimensjonijiet ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija Ewropea:

is-sigurtà tal-enerġija

is-suq intern tal-enerġija

l-effiċjenza enerġetika

id-dekarbonizzazzjoni

ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività.

2.5.

Il-komunikazzjoni “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha” isservi wkoll sabiex tipprovdi viżjoni jew narrattiva għall-Unjoni tal-Enerġija.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-pakkett għandu l-għan li jħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa filwaqt li jżomm l-għanijiet importanti ta’ tkabbir ekonomiku u ta’ ħolqien tax-xogħol fl-Ewropa. Ir-raġunijiet ewlenin għall-pakkett huma:

L-ewwel ftehim globali (Pariġi 2015) dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Novembru 2016. L-implimentazzjoni tal-impenji ambizzjużi tal-UE tiddependi fil-parti l-kbira fuq it-tranżizzjoni b’suċċess lejn sistema tal-enerġija nadifa.

Is-settur tal-enerġija huwa ċentrali għall-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea. Għalhekk, l-effiċjenza enerġetika taqdi rwol fundamentali għat-tisħiħ ta’ setturi oħra tal-ekonomija. L-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u ta’ prodotti u ta’ servizzi tal-effiċjenza enerġetika wassal għall-ħolqien ta’ negozji ġodda, filwaqt li mudelli ta’ negozju tal-enerġija oħrajn qed jaffaċċjaw diffikultajiet dejjem akbar. Huwa kruċjali għall-politika tal-UE li tikseb ħolqien nett ta’ impjiegi ġodda u ta’ kwalità għolja u li tappoġġja s-suċċess tal-intrapriżi tal-UE.

Għan ewlieni ieħor hu li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni għal sistema tal-enerġija nadifa tilħaq b’mod pożittiv liċ-ċittadini Ewropej. Din hija sfida kbira fid-dawl tal-inugwaljanzi kbar bejn l-Istati Membri u l-ħtieġa li jkunu koperti l-partijiet kollha tas-soċjetà tagħna, inklużi l-persuni vulnerabbli.

3.2.

Il-KESE qed jappoġġja din l-istrateġija, kif wieħed jista’ jara minn għadd ta’ opinjonijiet preċedenti dwar dawn il-kwistjonijiet (1).

3.3.

Il-KESE jilqa’ dan il-pakkett ta’ proposti regolatorji u ta’ miżuri ta’ faċilitazzjoni li jfittxu li jaċċelleraw, jittrasformaw u jikkonsolidaw it-tranżizzjoni tal-ekonomija tal-UE lejn enerġija nadifa. Jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li l-oqsma ta’ tisħin, ta’ tkessiħ u ta’ trasport illum qed igawdu mill-istess importanza mogħtija lill-ġenerazzjoni tal-elettriku.

3.4.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha” tippreżenta stampa ottimista, b’suppożizzjonijiet pjuttost pożittivi dwar żieda fil-produzzjoni industrijali u n-numru ta’ impjiegi li jistgħu jinħolqu. Il-KESE jirrikonoxxi dan, u jemmen li jridu jintbagħtu sinjali pożittivi bħal dawn sabiex jinżamm il-momentum fi proċess ta’ tranżizzjoni li għal xi wħud huwa diffiċli.

3.5.

Min-naħa l-oħra, il-KESE jixtieq jisħaq ukoll li t-tranżizzjoni fl-enerġija hija sfida kbira għall-Ewropa li tinvolvi wkoll riskji u perikli serji relatati mat-tranżizzjoni tal-enerġija, speċjalment jekk il-proċess ikun mgħaġġel jew kajman wisq u ma jkunx ippjanat b’mod integrat. Kwistjoni partikolari li toħloq tħassib hija l-inugwaljanzi – politiċi u ekonomiċi – kbar bejn l-Istati Membri, li suppost għandhom jiġu indirizzati mir-regolament il-ġdid dwar il-governanza. Il-KESE huwa konvint li t-tranżizzjoni fl-enerġija tista’ tirnexxi biss jekk tingħata kunsiderazzjoni adegwata lill-opportunitajiet u lir-riskji.

4.   Il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija Ewropea hija tema importanti

4.1.

Filwaqt li l-Istati Membri ħadu impenji għal kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika u għall-enerġija rinnovabbli li jridu jissodisfaw huma stess sal-2020, ma hemm ebda valur referenzjarju indikattiv korrispondenti għall-2030.

4.2.

Il-Kunsill Ewropew stabbilixxa mira tal-UE ta’ mill-anqas 27 % għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli kkunsmata fl-UE fl-2030. Filwaqt li din il-mira minima hija vinkolanti fil-livell tal-UE, din mhijiex ser tissarraf f’miri vinkolanti fil-livell nazzjonali. Il-KESE jitlob li jkun hemm miżuri b’saħħithom biex jappoġġjaw dawk l-Istati Membri bl-aktar miri ambizzjużi.

4.3.

Ir-Regolament propost dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija (ara TEN 617) issa jistabbilixxi r-rekwiżiti għal Pjani Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima integrati (NECPs) – li jissostitwixxu pjani separati għall-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli – u proċess issemplifikat biex jistabbilixxuhom u jissorveljawhom. Il-governanza – bl-implikazzjonijiet tagħha għal rekwiżiti vinkolanti fuq azzjoni sovrana nazzjonali – hija qasam sensittiv, mhux l-anqas fl-enerġija, fejn iċ-ċirkostanzi u l-pożizzjonijiet politiċi tal-Istati Membri jvarjaw ħafna.

4.4.

Il-KESE għandu tħassib serju dwar il-kapaċità tal-proċess ta’ governanza biex jinfurza u jikseb riżultati konkreti. Hemm wisq dipendenza fuq konsultazzjonijiet u l-pressjoni mill-pari pjuttost minn fuq regoli ċari. Hemm bżonn li jiġi kkjarfikat aktar il-mod kif il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri jieħdu l-“miżuri neċessarji” f’każ li tiskopri li jista’ jkun hemm diskrepanza, kemm fil-livelli ta’ ambizzjoni kif ukoll ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. B’mod partikolari, tinħtieġ aktar ċarezza dwar in-natura u l-funzjonament tal-“pjattaforma ta’ finanzjament” bħala tip ta’ sanzjoni f’każ ta’ kwalunkwe nuqqas fil-forniment ta’ enerġija rinnovabbli.

4.5.

B’mod partikolari, il-KESE huwa ddiżappuntat li qed jinnota li “konsultazzjoni pubblika” mhijiex speċifika fir-regolament u li din hija ferm imbiegħda mill-proposta tal-KESE għal Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija (EED) mifrux fuq diversi livelli. Biex jintrebħu l-fiduċja u l-involviment taċ-ċittadini, dan id-djalogu jenħtieġ li jkun indipendenti mill-gvern u mill-proċess tal-NECP. Jenħtieġ li joffri fokus biex jiġu infurmati l-konsumaturi, biex jgħin lill-fornituri tal-enerġija jinvolvu ruħhom u jibnu fiduċja u jipprovdi kanal għall-ħafna preokkupazzjonijiet ta’ gruppi differenti dwar is-sigurtà, l-affordabilità u s-sostenibbiltà tal-enerġija.

4.6.

F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u sabiex jinkiseb il-benefiċċju sħiħ min-natura deċentralizzata u flessibbli tat-teknoloġiji tal-effiċjenza enerġetika u tat-teknoloġiji tar-rinnovabbli, jenħtieġ li parti dejjem akbar tal-politika dwar l-enerġija u tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiġi ttrasferita mil-livell tal-Istati Membri għal-livelli tal-gvern pubbliku lokali u dak reġjonali. L-UE, l-Istati Membri u l-gvernijiet lokali u reġjonali, f’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili organizzata li tiżgura involviment b’saħħtu mill-pubbliku u mill-komunità, jenħtieġ li jiffaċilitaw dan it-trasferiment billi jaraw li jiġi aċċellerat u implimentat b’mod koordinat li jipprovdi l-akbar benefiċċji lill-konsumaturi u lill-komunitajiet.

5.   L-effiċjenza enerġetika tipprovdi potenzjal kbir għall-iffrankar enerġetiku

5.1.

It-titjib tal-effiċjenza enerġetika fl-oqsma kollha (il-ġenerazzjoni tal-enerġija, il-manifattura u t-trasport, l-elettriku, it-tisħin, it-tkessiħ u l-mobilità) huwa ta’ importanza fundamentali għas-sistema futura Ewropea tal-enerġija. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-effiċjenza enerġetika ser tirċievi attenzjoni akbar fil-politiki tal-UE u li l-inizjattivi l-ġodda issa jinkludu wkoll it-tisħin, it-tkessiħ u t-trasport, xi ħaġa li jmissha diġà saret (ara wkoll l-opinjoni TEN/618 fuq id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika).

5.2.

It-titjib tal-effiċjenza enerġetika waħdu – anki fuq l-aktar skala ambizzjuża – ma jistax isolvi dawk il-problemi relatati mal-enerġija li jinvolvu t-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jew il-faqar. Madankollu, jista’ jservi bħala mezz b’saħħtu ta’ mitigazzjoni tal-problemi. Effiċjenzi akbar jistgħu jwasslu għal anqas konsum tal-enerġija u, b’hekk, itaffu jew ireġġgħu lura ż-żidiet fl-ispejjeż tal-enerġija, anki fi żmien li fih qed jogħlew il-prezzijiet tal-enerġija.

5.3.

Ta’ min jgħid li ż-żidiet fl-effiċjenza enerġetika dejjem jiddependu mill-investiment. Bħala konsegwenza, effiċjenzi akbar mhux bilfors iwasslu għal inqas piż ta’ spejjeż għall-konsumaturi jew għall-industrija, hekk kif ittenni bosta drabi l-komunikazzjoni. Naturalment, dejjem iwasslu għal anqas konsum tal-enerġija u, għalhekk, għandhom effett benefiku f’termini tal-klima. Madankollu, effett pożittiv fuq l-ispejjeż jiddependi b’mod kruċjali fuq il-bilanċ bejn l-investimenti u l-iffrankar tal-ispejjeż tal-enerġija. Il-KESE jixtieq jara kunsiderazzjoni aktar realistika u kritika ta’ dan il-fatt.

5.4.

Il-KESE jilqa’ l-emenda tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (TEN/620). It-tisħin u t-tkessiħ tal-bini huma estremament importanti, peress li dawn huma responsabbli għal 40 % tal-konsum totali tal-enerġija. L-iffrankar enerġetku f’dan il-qasam jinkiseb bir-rinnovazzjoni u b’bini ġdid. Fiż-żewġ każijiet, hemm bżonn ta’ investimenti sinifikanti. Madankollu, b’0,4 %-1,2 % biss mill-istokk tal-bini li qiegħed jiġi rinnovat/jinbena ġdid kull sena, jidher ċar li dawn il-proċessi jeħtieġ li jiġu aċċellerati.

5.5.

L-Istati Membri huma meħtieġa jfasslu pjan direzzjonali bi tragwardi u b’miżuri ċari sabiex jilħqu l-għan fit-tul tal-2050 li jiddekarbonizzaw l-istokk tal-bini nazzjonali tagħhom, bi tragwardi speċifiċi għall-2030.

5.6.

Il-KESE huwa diżappuntat bl-għażla tal-anqas għażla politika ambizzjuża, b’anqas iffrankar enerġetiku minn dak li huwa possibbli. Huwa konxju li r-rieda politika tal-Istati Membri sabiex jiksbu riżultati aħjar f’dan il-qasam ma tistax tiġi ggarantita, għad li l-effiċjenza enerġetika fil-bini tabilħaqq toffri l-akbar opportunità identifikabbli.

5.7.

Il-KESE japprezza l-firxa wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji ġodda proposti mill-Kummissjoni. Id-disponibilità ta’ strumenti finanzjarji li jappoġġjaw ir-rinnovazzjoni hija essenzjali, b’mod partikolari biex jinċentivaw lis-sidien tal-proprjetà privati u soċjali nonmuniċipali biex jinvestu f’rinnovazzjoni ta’ proprjetà iktar antika.

5.8.

Is-sidien jew l-okkupanti ta’ bini ġdid jew rinnovat ma jgawdux biss minn anqas konsum tal-enerġija iżda anki minn kumdità akbar tal-għajxien u minn kwalità tal-ħajja aħjar. B’xorti ħażina, f’każijiet tipiċi dan iwassal għal effett rebound, li bih il-kirjiet ogħla tad-djar rinnovati faċilment jistgħu jegħlbu l-iffrankar tal-ispejjeż tal-enerġija. Min-naħa l-oħra, il-Komunikazzjoni tesprimi fehma pjuttost ottimista dwar l-iffrankar tal-ispejjeż. Il-KESE jirrakkomanda ħarsa aktar kritika lejn din il-problema. Hawnhekk jenħtieġ li jiġu applikati kriterji ekonomiċi u soċjali, inkella se tinħoloq forma ġdida ta’ faqar għall-ġenerazzjonijiet kbar fl-età.

5.9.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva fid-direttiva li biha l-installazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar bl-elettriku għall-vetturi elettriċi ssir obbligatorja għal sehem kbir ta’ bini ġdid. Huwa importanti li jiġi osservat, madankollu, li d-domanda futura għal livell ogħla ta’ enerġija elettrika tirrikjedi pjanar u koordinazzjoni mal-fornituri tal-elettriku minħabba ħtieġa addizzjonali biex jinvestu bil-quddiem fi transformers tal-elettriku ta’ qawwa għolja qrib żoni residenzjali.

5.10.

Il-KESE jinsab konvint li sistemi ta’ trasport aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija xprunati mill-iżviluppi teknoloġiċi li għaddejjin bħalissa u l-iżvilupp ta’ Sistemi tat-Trasport ser jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-isforzi Ewropej lejn l-iffrankar tal-enerġija (TEN/621). Il-Pjan ta’ Ħidma u r-Regolament dwar l-Ekodisinn (NAT/702) il-ġodda jġibu element importanti għas-suq komuni Ewropew, billi jipprovdu prodotti b’effiċjenza kbira u jappoġġjaw l-ekonomija ċirkolari.

6.   Il-konsumaturi fiċ-ċentru tal-Unjoni tal-Enerġija

6.1.

Il-KESE japprezza li l-Kummissjoni trid tqiegħed lill-konsumaturi fiċ-ċentru tal-Unjoni tal-Enerġija. Fil-ħajja moderna, it-trasport, l-akkomodazzjoni, il-komunikazzjoni u l-konsum ġenerali jeħtieġu l-użu ta’ ċertu minimu ta’ enerġija għaċ-ċittadini kollha. Għaldaqstant, l-enerġija ma tistax issir lussu. Iżda l-fenomenu msemmi spiss tal-faqar enerġetiku – għad li mhuwiex iddefinit sew – jindika tendenza fejn iċ-ċittadini vulnerabbli jesperjenzaw diffikultà dejjem akbar sabiex jakkwistaw is-servizzi minimi tal-enerġija li jeħtieġu. Il-KESE jsejjaħ sabiex din it-tendenza tiġi miġġielda u sabiex il-politika dwar l-enerġija tiġi adattata għal dan.

6.2.

Il-progress teknoloġiku wassal għal tnaqqis fl-ispejjeż għall-ġenerazzjoni tal-elettriku tul l-aħħar snin. Il-konsumatur ma bbenefikax minn dan għaliex spiss it-tnaqqis safa megħlub minn taxxi, minn spejjeż tal-grilja u l-bqija. Dan jikkostitwixxi problema serja għaliex iħalli impatti negattivi fuq il-faqar enerġetiku.

6.3.

Il-KESE ma jaqbilx mad-dikjarazzjoni li “l-effiċjenza enerġetika hija waħda mill-aħjar modi kif jiġu indirizzati l-kawżi li jwasslu għall-faqar enerġetiku”. It-terminu “faqar enerġetiku” feġġ meta l-prezzijiet tal-enerġija bdew jiżdiedu b’mod sinifikanti. Dan ifisser li huma l-prezzijiet għoljin li huma l-kawża li twassal għal din il-kategorija speċifika ta’ faqar u li dawn jenħtieġ li jkunu l-mira primarja għal kwalunkwe miżura biex ikunu megħjuna l-persuni vulnerabbli. It-titjib fl-effiċjenza jgħin ukoll, naturalment, iżda dan bilfors li jkun dipendenti fuq investiment sinifikanti, li l-konsumaturi vulnerabbli b’mod partikolari jistgħu ma jkunux jifilħu jagħmlu (ara TEN/518).

6.4.

Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni issa qed tistabbilixxi Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku kif diġà ġie propost mill-KESE fl-2013 fl-Opinjoni TEN/516 dwar il-faqar enerġetiku. Il-fokus prinċipali tiegħu għandu jkun li l-ewwel jiġu definiti indikaturi Ewropej tal-faqar enerġetiku. Dan jista’ jkun kruċjali għall-Istati Membri biex jadottaw approċċ koordinat b’mod sħiħ fir-rigward tal-faqar enerġetiku li jinkludi fehim tar-rwol u l-effikaċja ta’ diversi miżuri bħal pereżempju tariffi soċjali, miżuri għall-mitigazzjoni tal-faqar, pariri lill-konsumatur jew l-effiċjenza tal-enerġija.

6.5.

Il-KESE jixtieq jisħaq fuq il-fatt li, minbarra l-kwistjonijiet imsemmija fil-komunikazzjoni (is-sigurtà tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika u d-dekarbonizzazzjoni), enerġija nadifa timplika wkoll benefiċċji sinifikanti tas-saħħa għaċ-ċittadini kollha.

6.6.

Il-pakkett joffri liċ-ċittadini rwol limitat biss fl-affettwar b’mod dirett tad-deċiżjonijiet li se jħallu impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum u fuq l-għajxien tagħhom. Mhuwiex ċar jekk il-prinċipji ta’ djalogu dwar l-enerġija li jirriżulta f’parteċipazzjoni sinifikanti humiex – u humiex se jiġu – applikati madwar l-Unjoni (ara wkoll TEN/617). Dan id-djalogu jirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi, inkluż fid-dimensjoni istituzzjonali.

6.7.

Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent tar-rwol dejjem akbar taċ-ċittadini li jieħdu sehem fis-suq tal-elettriku bħala prosumaturi. Jeħtieġu arranġament tas-suq ġdid li jaqbel mal-istrutturi deċentralizzati tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli u li verament iqiegħed lill-konsumaturi u liċ-ċittadini fil-qalba tal-politika Ewropea dwar l-enerġija.

6.8.

Il-KESE jħeġġeġ il-kunċett ta’ enerġija tal-komunità, li jirreferi għal mudell ta’ negozju li bih iċ-ċittadini jkunu sid u parteċipanti fl-istess ħin fi proġetti tal-enerġija rinnovabbli jew tal-effiċjenza enerġetika fiż-żona li jgħixu fiha. Id-dispożizzjonijiet leġislattivi fil-pakkett il-ġdid għandhom jippermettu u jinkoraġġixxu inizjattivi ta’ dan it-tip, fejn ikun possibbli.

7.   L-enerġiji rinnovabbli f’suq ġdid

7.1.

Il-KESE jappoġġja b’mod ġenerali l-objettiv tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (TEN 622) li tiġi promossa integrazzjoni aktar b’saħħitha tal-fornituri tal-enerġija rinnovabbli fis-suq b’konsegwenza ta’ tnaqqis fl-ispejjeż tal-enerġija rinnovabbli.

7.2.

Madankollu, il-KESE huwa mħasseb ukoll li ninsabu ferm distanti minn kundizzjonijiet ekwi li fihom is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jistgħu jibqgħu vijabbli mingħajr appoġġ speċjali. Għad hemm ħafna xi jsir sabiex jitneħħa t-tfixkil enormi fis-swieq tal-elettriku eżistenti maħluq minn sussidji, minn kundizzjonijiet ta’ limiti strutturali u minn nuqqas ta’ kontabilità ċara ta’ spejjeż esterni.

7.3.

Il-KESE jilqa’ r-rapport riċenti mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) intitolat Transforming the EU power sector: avoiding a carbon lock-in (Trasformazzjoni tas-settur tal-enerġija tal-UE: l-evitar ta’ intrappolament tal-karbonju). Il-karburanti fossili għadhom jikkontribwixxu għal madwar nofs l-elettriku ġġenerat fl-Ewropa. L-istudju tal-EEA jqabbel ix-xejriet attwali tas-suq tal-enerġija mal-għanijiet klimatiċi tal-UE għall-2030 u wara. It-tbegħid minn provvista tal-enerġija b’intensità ta’ karbonju jirrikjedi investimenti akbar fl-alternattivi, flimkien ma’ oqfsa ta’ politika ta’ sostenn.

7.4.

Il-KESE huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ dettalji rigward miżuri speċifiċi u strumenti ta’ appoġġ, li jistgħu jixħtu f’riskju l-promozzjoni ulterjuri tar-rinnovabbli.

7.5.

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-fatt li s-sigurtà tal-enerġija trid tiġi kkunsidrata mill-ġdid meta t-taħlita tal-enerġija tinbidel f’daqqa – kwistjoni li mhijiex tiġi indirizzata biżżejjed fil-pakkett.

8.   Opportunitajiet għall-ekonomija u għall-impjiegi

8.1.

It-tranżizzjoni fl-enerġija hija sfida kbira għall-Ewropa, b’opportunitajiet għal impjiegi ġodda, għal tkabbir ekonomiku u għall-benesseri taċ-ċittadini kollha. Fid-dawl tar-riskji u l-perikli li ġġib magħha tranżizzjoni bħal din, huwa ta’ importanza kruċjali li tiġi żviluppata politika bbilanċjata tajjeb li tipprovdi l-miżuri tajbin biex tiġi evitata kwalunkwe ħsara għas-soċjetà tagħna, pereżempju għall-ħaddiema (il-qgħad u l-kwalità tal-impjiegi), il-konsumaturi u l-SMEs. Dan jista’ biss jinkiseb bl-involviment tal-partijiet interessati fil-fażijiet kollha ta’ din it-tranżizzjoni u l-KESE, bħala msieħeb rilevanti u siewi, huwa wieħed minnhom.

8.2.

It-tmexxija globali f’teknoloġiji nodfa timplika wkoll l-esportazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji, li hija ta’ benefiċċju kemm minn perspettiva ekonomika kif ukoll ambjentali (NAT/690).

8.3.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali sabiex jappoġġjaw il-kompetittività globali u t-tmexxija Ewropej f’teknoloġiji avvanzati tal-enerġija u f’soluzzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika. L-istrateġija ddedikata dwar l-Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fl-Enerġija Nadifa (TEN/619) jenħtieġ li ġġib prijoritizzazzjoni akbar u azzjonijiet konkreti sabiex jiġi żgurat li l-innovazzjonijiet għall-eliminazzjoni gradwali tat-teknoloġiji bbażati fuq il-karbonju jiġu skjerati b’mod aktar mifrux u jiddaħħlu fis-suq aktar malajr. Il-KESE jikkritika l-fatt li hemm biss referenza limitata għar-riċerka bażika u għal xiex tista’ tikkontribwixxi r-riċerka. Il-pjan SET jissemma fil-qosor, iżda b’xorti ħażina mil-lat industrijali biss.

8.4.

Il-pakkett jagħmel referenzi rikorrenti għall-industrija, għall-impjiegi u għat-tkabbir bħala d-definizzjoni tal-innovazzjoni; iżda l-innovazzjoni hija aktar minn hekk. Il-benesseri tan-nies u tan-natura huma assi importanti li jmorru lil hinn minn aspetti xprunati mill-industrija.

8.5.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li twaqqaf “forum industrijali dwar l-enerġija nadifa”, li, fi proċess minn isfel għal fuq, jista’ jsir parti mill-kunċett usa’ ta’ djalogu mas-soċjetà ċivili u ma’ partijiet interessati oħra. Jisħaq fuq l-importanza ta’ appoġġ ibbilanċjat għall-katina tar-riċerka u tal-innovazzjoni, mir-riċerka bażika sar-riċerka applikata u innovazzjonijiet bi prodotti ġodda.

8.6.

Fid-dawl tal-kompitu enormi tat-trasformazzjoni tal-ekonomija ta’ dawk ir-reġjuni li llum fil-parti l-kbira huma bbażati fuq l-industrija tal-faħam, il-KESE jemmen li din il-kwistjoni jistħoqqilha kunsiderazzjoni ferm akbar minn dik li ngħatat fil-pakkett attwali.

8.7.

L-ispejjeż tal-kapital ivarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri għall-investimenti ġodda fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Il-KESE jqis li hemm bżonn miżuri fiskali u istituzzjonali b’saħħithom biex jintemmu jew jiġu minimizzati kundizzjonijiet diskriminatorji bħal dawn għall-konsumaturi u l-investituri.

8.8.

Ix-Xlokk tal-Ewropa għandu potenzjal enormi fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli u forza tax-xogħol ikkwalifikata li fil-biċċa l-kbira tagħhom s’issa għadhom ma ġewx sfruttati. Il-KESE jitlob li jkun hemm żieda sinifikanti fl-appoġġ għall-partijiet interessati li jsegwu l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija fir-reġjun. Dan ser jipprovdi lill-konsumaturi u lill-investituri lokali b’opportunitajiet enormi ta’ żvilupp f’konformità mal-għanijiet ta’ dan il-pakkett.

Brussell, is-26 ta’ April 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 383, 17.11.2015, p. 84; ĠU C 264, 20.7.2016, p. 117; ĠU C 291, 4.9.2015, p. 8; ĠU C 82, 3.3.2016, p. 13; ĠU C 82, 3.3.2016, p. 22; ĠU C 487, 28.12.2016, p. 75; ĠU C 303, 19.8.2016, p. 1.


28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 246/71


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp – Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna”

[COM(2016) 740 final]

(2017/C 246/11)

Relatur:

Ionuț SIBIAN

Relatur:

Mihai MANOLIU

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 27.1.2017

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

26.4.2017

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni speċjalizzata

4.4.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

26.4.2017

Sessjoni tal-plenarja Nru

525

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

166/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Proposta tal-Kummissjoni dwar “Kunsens Ewropew ġdid dwar l-iżvilupp: id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna”. Hija tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet li huwa ressaq fl-Opinjoni tiegħu REX/461 dwar “L-Aġenda 2030 – Unjoni Ewropea impenjata għall-iżvilupp sostenibbli globalment”, li fiha afferma li: “L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jeħtieġ li urġentement jaqblu fuq it-triq ‘il quddiem fl-ogħla livell politiku permezz ta’ ftehim interistituzzjonali bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament sabiex jistabbilixxu bażi robusta għal azzjoni politika ulterjuri. Dan il-ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs għandu jifforma l-bażi għal strateġija globali għall-integrazzjoni tal-Aġenda 2030 bil-għan li l-UE ssir Unjoni tal-Iżvilupp Sostenibbli.” Barra minn hekk, fl-istess Opinjoni huwa rrakkomanda li l-Kummissjoni “tintegra u tutilizza b’mod sħiħ l-Aġenda 2030 fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp”.

1.2.

Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol li jaqdi l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp tas-sena 2006 fil-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha (1). Il-valur miżjud tiegħu kien jikkonsisti l-iżjed f’li jipprovdi viżjoni kondiviża mill-UE u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll qafas ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-UE, li mbagħad issarrfu f’ċertu numru ta’ dokumenti ta’ gwida, politiki u azzjonijiet, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri. Wieħed jistenna li l-kunsens il-ġdid ikompli jaqdi rwol simili.

1.3.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn espliċitu tal-Kunsens fil-konfront tal-għan globali li jinqered il-faqar, abbażi ta’ approċċ tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet u fuq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa filwaqt li, fil-kuntest tal-Aġenda 2030, jiżgura li ħadd ma jibqa’ lura, irrispettivament mill-post ta’ abitazzjoni, l-oriġini etnika, is-sess, l-età, id-diżabilità, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali, l-istatus ta’ migrant jew kwalunkwe konsiderazzjoni oħra fil-konfront tal-individwu kkonċernat.

1.4.

Fid-dawl tar-referenzi tiegħu għall-Aġenda 2030 u fid-dawl taż-żamma tal-qerda tal-faqar fil-qalba tal-missjoni tiegħu, il-kunsens jipprovdi r-rikonoxximent li jistħoqqilha l-kooperazzjoni għall-iżvilupp u jsaħħaħ il-viżibbiltà tagħha bħala qasam separat ta’ politika tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li l-politika ta’ żvilupp għandha titqies bħala waħda mill-pilastri tal-azzjoni esterna tal-UE, il-kunsens għandu jitqies bħala garanzija li dan l-iżvilupp iseħħ fuq livell indaqs ma’ oqsma ta’ azzjoni oħra tal-Unjoni li ma tkunx subordinata għalihom (sigurtà, kummerċ, ġustizzja u affarijiet interni, eċċ.).

1.5.

Ir-rieżami tal-Kunsens qed iseħħ f’mument diffiċli ħafna, meta l-valuri u l-prinċipji Ewropej (elenkati fl-Artikolu 2 tat-Tratta dwar l-Unjoni Ewropea) kif ukoll l-eżistenza stess tal-Unjoni Ewropea huma dejjem aktar f’riskju. Il-kriżijiet multipli jaffettwaw il-kapaċtà u r-rieda tal-gvernijiet li jallokaw ir-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030. Għalhekk, huwa ta’ importanza kruċjali li l-Istati Membri kollha u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jiddedikaw ruħhom bis-sħiħ għall-implimentazzjoni u r-rispett tagħha permezz ta’ kunsens Ewropew għall-iżvilupp, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha.

1.6.

Il-kunsens għandu jfittex li jiddefinixxi r-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-vantaġġi komparattivi speċifiċi tagħhom fil-qasam tal-iżvilupp. Dan sar aktar rilevanti peress li jeħtieġ li wieħed jistenna li l-pakkett finanzjarju totali allokat mill-UE u l-Istati Membri tagħha għall-iżvilupp ser jonqos wara l-Brexit u fil-kuntest ta’ ambjent politiku intern li dejjem jevolvi. Skont rapport ikkummissjonat mill-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew fl-2013 (2), l-ispiża ekonomika tan-nuqqas ta’ koordinazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp ġiet evalwata għal madwar EUR 800 miljun. Dan l-ammont jista’ jiġi ffrankat kull sena f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet jekk id-donaturi jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fil-qasam tal-għajnuna fuq numru iżgħar ta’ pajjiżi u attivitajiet. Ġie wkoll stmat li jistgħu jiġu ffrankati EUR 8,4 biljun addizzjonali kull sena jekk titjieb l-allokazzjoni tal-fondi fil-livell ta’ diversi pajjiżi.

1.7.

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jużaw l-għajnuna għall-iżvilupp bħala xprun biex jimponu kooperazzjoni min-naħa tal-imsieħba tagħhom f’dak li jirrigwarda għanijiet ta’ politika ekonomika u barranija, tas-sigurtà tal-Istat u kontroll tal-migrazzjoni. Għall-kuntrarju, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha tibqa’ ffukata fuq l-għan ewlieni tagħha tal-qerda tal-faqar, l-opportunitajiet indaqs, id-dinjità għal kulħadd u l-iżgurar tas-sostenibbiltà ambjentali.

1.8.

Il-KESE jiġbed attenzjoni partikolari għar-rwol tal-agrikoltura fil-politika tal-iżvilupp. It-tisħiħ tal-bażi għall-produzzjoni tal-ikel lokali, it-titjib tal-pożizzjoni tan-nisa fiż-żoni rurali, u l-bdiewa li joħolqu assoċjazzjonijiet u li jikkooperaw huma fatturi importanti għall-qerda tal-faqar, u biex jintlaħqu l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli fl-iżjed pajjiżi foqra tad-dinja.

1.9.

Il-kunsens jirrikonoxxi r-rwol tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fir-rigward tal-promozzjoni tal-Aġenda 2030 kif ukoll tal-kontribut tagħhom għall-implimentazzjoni tagħha. L-UE għandha timpenja ruħha biex mhux biss tipprovdi appoġġ politiku b’saħħtu bil-għan li tiggarantilhom qafas favorevoli, sabiex ikunu jistgħu jaqdu bis-sħiħ ir-rwol tagħhom, iżda wkoll bil-għan li tirrikonoxxi, tappoġġja u tipproteġi lill-organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, il-korpi li jaqdu rwol ta’ diliġenza u t-trejdjunjins li jaħdmu f’kuntest żvantaġġat. Barra minn hekk, l-UE għandha timpenja ruħha biex twaqqaf mekkaniżmi finanzjarji li jkunu aktar adattai biex jgħinu firxa usa’ ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex tiżgura li l-organizzazzjonijiet lokali iżgħar u aktar numeriżi jkollhom aċċess għall-programmi tal-UE. F’dan ir-rigward, il-KESE fassal sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet importanti fl-Opinjoni tiegħu REX/461 dwar “L-Aġenda 2030 – Unjoni Ewropea impenjata għall-iżvilupp sostenibbli globalment”.

1.10.

Jeħtieġ li d-djalogu soċjali jiġi rrikonoxxut bħala strument ta’ implimentazzjoni tal-programm għall-iżvilupp. Id-djalogu soċjali jeħtieġ ambjent favorevoli u qafas istituzzjonali effettiv. Dan jibda bir-rispett għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt ta’ negozjar kollettiv. L-UE għandha taħdem ma’ impjegaturi indipendenti u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema (imsieħba soċjali) biex jiġu promossi l-prattiċi tar-relazzjonijiet industrijali tajba u amministrazzjonijiet tax-xogħol li jiffunzjonaw.

1.11.

Minkejja li l-fondi fiduċjarji tal-UE huma għodda potenzjalment pożittiva, ma hemmx biżżejjed studji li juru li huma jiżguraw li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-sjieda u l-adattament tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Filwaqt li nofs l-Istati Membri tal-UE jżidu l-allokazzjonijiet tagħhom tal-għajnuna għall-iżvilupp għas-settur privat, l-investimenti mis-settur kummerċjali mwettqa permezz ta’ fondi pubbliċi għadhom b’mod ġenerali mhux trasparenti u mingħajr sorveljanza (3). L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu appoġġjati u awtorizzati jikkontrollaw il-fondi allokati għall-iżvilupp, inklużi dawk intiżi għas-settur privat. Dawn għandhom jiġu involuti b’mod ġenwin fit-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi tal-iżvilupp, sabiex dawn jissodisfaw il-bżonnijiet reali tal-akbar numru ta’ nies possibbli.

1.12.

Il-ħolqien tal-impjiegi jikkostitwixxi sfida importanti fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, u s-settur privat jintalab jaqdi rwol importanti f’dan il-qasam. L-Opinjoni tal-KESE REX/386 dwar “Is-sehem tas-settur privat fil-qafas tal-iżvilupp għal wara l-2015” tenfasizza li l-ambjent tal-intrapriżi “jaqdi rwol essenzjali fil-ġlieda kontra l-faqar fid-dinja, għax joħloq l-impjieg, jipproduċi l-ġid u s-servizzi, jiġġenera d-dħul u l-benefiċċji u, permezz tat-taxxi li jħallas, jikkontribwixxi biex jiġu koperti l-ispejjeż pubbliċi”. Madankollu, il-ħolqien tal-impjiegi m’għandux ikun għan fih innifsu, sakemm dan ma jiggarantixxi standards tax-xogħol u dawk ambjentali, kif ukoll kundizzjonijiet ta’ xogħol deċenti, speċjalment għan-nisa u ż-żgħażagħ, b’konformità mal-aġenda tax-xogħol deċenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (l-ILO), l-istandards tax-xogħol tal-ILO u dokumenti internazzjonali oħra (pereżempju l-prinċipji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-intrapriżi u d-drittijiet tal-bniedem, u l-prinċipji gwida tal-OECD intiżi għall-intrapriżi multinazzjonali).

1.13.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-inklużjoni u n-natura sostenibbli tagħha jissejsu fuq impjiegi deċenti u stabbli (b’mod partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ), li jiġġeneraw dħul suffiċjenti u katini ta’ valur sostenibbli għal firxa ta’ servizzi pubbliċi mtejba. Għandhom jiġu promossi mudelli ġodda ta’ produzzjoni u ta’ konsum fi ħdan l-ekonomija ċirkolari. Il-gruppi vulnerabbli jiġu protetti aħjar, ser ikollhom aċċess għas-servizzi finanzjarji u settur tal-intrapriżi onest, ġust u sostenibbli ser jiżviluppa mudelli ekonomiċi ġodda (intrapriżi soċjali li jipprovdu servizzi lokali) u SMEs ġodda, regolati b’mod adatt.

2.   Kuntest

2.1.

Il-politika tal-iżvilupp hija element essenzjali tal-azzjoni esterna tal-UE, kif definit fl-Artikolu 21(2)(d), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jikkonsisti f’li “tagħti appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli fuq il-pjan ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan primarju li jinqered il-faqar”, b’konformità mad-dikjarazzjoni li tinsab ukoll fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

2.2.

Il-proposta tal-Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp għandha l-għan li tipprovdi qafas ta’ approċċ komuni fir-rigward tal-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, li ser tiġi applikata mill-UE u l-Istati Membri tagħha.

2.3.

Fl-istess ħin, il-kunsens huwa dikjarazzjoni qawwija mnedija fid-dinja, li tiffoka fuq id-determinazzjoni tal-UE li tibqa’ kredibbli, impenjata u responsabbli fil-livell dinji, u tagħti eżempju. Dan jistabbilixxi l-prinċipji u l-prijoritajiet tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-problemi serji fid-dinja u l-mezzi biex jiġu ssodisfati l-impenji li l-UE ħadet fil-qafas tal-Aġenda 2030 u tal-Ftehim ta’ Pariġi.

2.4.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieżami tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp u josserva li huwa estremament importanti fil-kuntest il-ġdid attwali, peress li dan huwa intiż kemm biex jiggwida l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha lejn l-implimentazzjoni tal-programm ta’ żvilupp sostenibbli sal-2030 kif ukoll biex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-prijoritajiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif stabbiliti fl-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea.

2.5.

Il-kriżi ekonomika persistenti, il-Brexit, it-tibdil politiku li seħħ fl-Istati Uniti tal-Amerika, iż-żieda fid-disturbi fil-Lvant, il-kunflitt fis-Sirja u l-konsegwenzi umanitarji tiegħu, iż-żieda fil-populiżmu u l-ksenofobija fl-Istati Membri, u l-impatt ekonomiku tat-tibdil fil-klima lkoll huma elementi li flimkien joħolqu l-akbar sfida li l-Unjoni kienet esposta għaliha għal aktar minn nofs seklu.

2.6.

Kif enfasizzat fl-istrateġija globali ġdida dwar il-kwistjonijiet ta’ politika estera u ta’ sigurtà tal-Unjoni Ewropea msemmija “Viżjoni kondiviża, azzjoni komuni: Ewropa aktar b’saħħitha” (2016), il-kuntest ġdid intern u dinji ġab miegħu żieda fl-instabbiltà u l-insigurtà. Konsegwentement, fid-dawl taż-żieda fit-theddid eżistenzjali, l-UE għandha tkun aktar b’saħħitha u aktar magħquda minn qatt qabel.

2.7.

L-UE impenjat ruħha b’mod kollettiv li tiddedika 0,7 % tad-dħul nazzjonali gross tagħha għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) skont l-iskeda ta’ żmien tal-Aġenda 2030. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Kunsens, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jilħqu l-objettivi tagħhom fil-qasam tal-għajnuna. Bħalissa, minħabba l-kuntest politiku fl-Ewropa, jeżistu dubji serji dwar ir-rieda tal-gvernijiet attwali u futuri li jinżamm dan il-livell ta’ impenn finanzjarju. L-iżviluppi politiċi fl-Istati Membri tal-UE jistgħu jipperikolaw l-impenji fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-gvernijiet nazzjonali, minħabba d-domanda għolja min-naħa tal-movimenti politiċi populisti biex titnaqqas is-solidarjetà dinjija kif ukoll l-infiq marbut mal-ODA.

2.8.

Peress li r-Renju Unit kienu l-akbar donatur ta’ għajnuna għall-iżvilupp fi ħdan l-UE (aktar minn EUR 14-il biljun fl-2015), il-Brexit diġà ser ikollu impatt dirett fuq il-pożizzjoni tal-UE u l-kapaċità tagħha f’dan il-qasam ta’ politika b’mod partikolari, minħabba li ser jiġu limitati r-riżorsi li hija kien beħsiebha talloka biex jiġu implimentati l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Huwa stmat li, flimkien mal-kapaċità mhux finanzjarja, l-Unjoni Ewropea ser titlef madwar 15 % tal-baġit tagħha allokat għall-għajnuna minħabba l-Brexit. Huwa tal-akbar importanza li l-Istati Membri tal-UE juru solidarjetà u jirrispettaw l-għanijiet tagħhom fil-qasam tal-għajnuna.

2.9.

L-UE għandha tiżgura li l-ODA tibqa’ ffukata fuq il-ġlieda kontra l-faqar fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, tivverifika li l-fondi jintefqu b’mod effikaċi għall-benefiċċju reali ta’ dawn il-pajjiżi u tiżgura l-koerenza tal-politiki Ewropej għall-iżvilupp (PCD). Ir-rapport Aid Watch 2016 tal-pjattaforma tal-NGOs Ewropej Concord juri li fl-2015 diġà, 17 % tal-għajnuna mogħtija mill-UE ma kinux jirriflettu iżjed it-trasferiment reali ta’ riżorsi lejn il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, billi dawn kienu spejjeż li ntefqu fil-pajjiżi donaturi fuq ir-refuġjati, l-istudenti, it-tnaqqis tad-dejn, kif ukoll il-ħlasijiet marbutin mal-għajnuna u l-imgħax. Ċerti Stati Membri tal-UE żiedu l-ammonti tal-għajnuna ddikjarata, kważi għalkollox minħabba l-infiq fuq ir-refuġjati fil-pajjiżi tagħhom stess, li b’hekk saru l-benefiċjarji prinċipali tagħhom.

2.10.

Min-natura tagħha u għal raġunijiet storiċi li wasslu għall-ħolqien tagħha, l-UE għandha tippromovi u tiddefendi l-multilateraliżmu, ordni globali bbażat fuq ir-regoli, il-paċi dinjija u d-drittijiet tal-bniedem. Matul is-snin, l-UE saret sieħeb globali meħtieġ, responsabbli u li tirrispetta ċerti valuri, li tindirizza l-kawżi bażiċi tal-kunflitti u l-faqar, tippromovi d-drittijiet universali tal-bniedem, tagħti l-eżempju u tuża s-setgħa ta’ persważjoni tagħha għal bidla pożittiva fid-dinja.

2.11.

L-impenn tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha bħala attur globali ewlieni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ormaj sar parti integrali tal-identità tal-Unjoni u l-viżibbiltà tagħha fuq barra.

2.12.

L-UE hija l-iktar suq miftuħ għad-dinja, li toffri tnaqqis ġeneruż fil-qasam tad-dazji doganali għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp li jirratifikaw u jimplimentaw il-konvenzjonijiet prinċipali internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-ambjent u l-governanza tajba.

2.13.

Lil hinn mill-flussi finanzjarji, l-UE hija msieħeb politiku indispensabbli tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, peress li tistimula żviluppi politiċi u soċjali pożittivi u tgħinhom jipparteċipaw b’mod aktar ekwu u aktar komprensiv fil-proċessi politiċi u ekonomiċi dinjija.

2.14.

L-UE kellha rwol importanti fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs) (2005-2015) u kienet xprun kruċjali fl-adozzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (2016-2030), billi kkontribwixxiet b’mod deċiżiv għall-integrazzjoni tal-valuri Ewropej bħalma huma d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ġustizzja soċjali fil-programm dinji l-ġdid għall-iżvilupp.

2.15.

L-Unjoni Ewropea hija attur dinji ewlieni li twassal għall-progress fil-qasam tat-tibdil fil-klima, u qdiet rwol importanti fil-ħolqien ta’ koalizzjoni wiesgħa ta’ pajjiżi żviluppati u fil-fażi tal-iżvilupp li għamlu possibbli l-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi f’Diċembru 2015. L-UE impenjat ruħha li tiddedika 20 % tal-baġit tagħha għall-azzjoni klimatika, kemm mil-lat ta’ mitigazzjoni kif ukoll ta’ addattament, sabiex tappoġġja l-Ftehim ta’ Pariġi.

2.16.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-UE dwar il-kooperazzjoni u l-iżvilupp internazzjonali, li tnieda fi Frar 2016, juri li fl-Unjoni kważi disa’ minn kull għaxar ċittadini jappoġġjaw l-iżvilupp (89 % – żieda ta’ 4 punti perċentwali fuq l-2014). Fl-Istati Membri l-ġodda, iċ-ċifri għandhom tendenza li jkunu ftit aktar baxxi minn dawk irreġistrati fl-Istati Membri l-qodma. Iċ-ċifri juru żieda fil-proporzjon taċ-ċittadini li jaħsbu li l-ġlieda kontra l-faqar fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp għandha tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-UE (b’ħames punti perċentwali, jiġifieri 69 %) u tal-gvernijiet nazzjonali (b’ħames punti perċentwali, jiġifieri 50 %). Kważi seba’ minn kull għaxar parteċipanti talbu li jkun hemm żieda fl-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija mill-UE (68 %), li huwa persentaġġ ogħla minn dak ta’ dawn l-aħħar snin. Kważi tliet kwarti tal-parteċipanti fl-istħarriġ qablu li l-għajnuna għall-iżvilupp hija mod effettiv biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni irregolari (73 %), u 80 % tal-Ewropej jaħsbu li l-iżvilupp huwa fl-interess proprju tal-Unjoni Ewropea; 52 % tal-Ewropej jaħsbu li l-UE għandha żżomm il-wegħda tagħha li żżid l-għajnuna għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

3.   Osservazzjonijiet

3.1.

L-interkonnettività hija l-pilastru prinċipali tal-Aġenda 2030, qafas ta’ azzjoni bil-għan li jiġu żviluppati strateġiji nazzjonali globali dwar l-iżvilupp sostenibbli li se jinkorpora b’mod bilanċjat id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali mfassla biex joħolqu effetti pożittivi fl-oqsma li huma marbutin miegħu, filwaqt li jitqiesu fatturi trasversali: l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, iż-żgħażagħ, il-mobbiltà, il-migrazzjoni, l-investiment u l-enerġija sostenibbli. Il-prijoritajiet definiti fl-Aġenda 2030 huma strutturati madwar dawn il-prijoritajiet: il-persuni, il-planeta, il-prosperità, il-paċi u s-sħubija.

3.2.

Minkejja li n-numru ta’ persuni li jgħixu f’sitwazzjoni ta’ faqar estrem naqas b’iktar minn nofs bejn l-1990 u l-2015, aktar minn 800 miljun ruħ għadhom jgħixu b’anqas minn USD 1,25 dollaru kuljum, u 80 % minnhom jgħixu fl-Afrika sub-Saħarjana u fl-Asja t’Isfel. Il-Kunsens jenfasizza l-ħtieġa li jinqered il-faqar fil-pajjiżi foqra ħafna, fraġli jew affettwati minn kunflitt, u jenfasizza wkoll it-tisħiħ tar-reżiljenza, b’mod partikolari dik ta’ popolazzjonijiet vulnerabbli li jħabbtu wiċċhom ma’ xokkijiet ambjentali u ekonomiċi, diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem u theddid globali għas-saħħa.

3.3.

Sal-2030, il-popolazzjonijiet foqra ser ikunu kkonċentrati f’pajjiżi instabbli u esposti għall-effetti tal-kunflitti li jaggravaw iżjed il-faqar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex ngħinu lill-persuni foqra, jinħtieġu approċċi differenti. Għalkemm iżjed persuni qed jaħarbu l-faqar estrem, l-inugwaljanza żdiedet bejn il-pajjiżi u fi ħdanhom. Minbarra l-faqar, il-kunflitti u t-tibdil fil-klima, l-inugwaljanza saret is-sors ewlieni tal-instabbiltà fil-biċċa l-kbira tad-dinja.

3.4.

Għadd ta’ elementi sostanzjali ser ikunu fil-qalba tal-politika tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp: il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza, ir-rieda li ħadd ma jitħalla barra, l-enfasi fuq il-qerda tal-faqar, elementi li jsejsu l-iżvilupp sostenibbli. Ser ikun hemm progress rigward id-dinjità umana: il-qerda tal-ġuħ, l-aċċess universali għall-edukazzjoni u t-taħriġ, sistemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, xogħol deċenti għal kulħadd, tranżizzjoni tal-ekonomija informali lejn l-ekonomija formali, protezzjoni soċjali adegwata u ambjent tajjeb għas-saħħa. Dawn l-għanijiet jistgħu jiġu implimentati permezz ta’ governanza bbażata fuq politiki konsolidati li jkunu effettivi fil-livell nazzjonali, u permezz ta’ pilastru għall-protezzjoni tal-persuni vulnerabbli.

3.5.

L-azzjoni konġunta fit-tul ser tkun ta’ benefiċċju għall-popolazzjonijiet f’sitwazzjonijiet ta’ faqar kroniku, ser twassal għat-tkabbir ekonomiku, tnaqqas l-inugwaljanzi u tibdel l-opportunitajiet f’riżultati. Jeħtieġ li l-kisbiet ekonomiċi konkreti jiġu akkumpanjati minn politiki ta’ ridistribuzzjoni tal-infiq pubbliku, billi jissaħħaħ l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità tajba, b’mod partikolari l-edukazzjoni u s-servizzi tas-saħħa u s-servizzi sanitarji.

3.6.

Barra minn hekk, dan l-approċċ ser joħloq servizzi ta’ protezzjoni soċjali li jkunu effettivi, sostenibbli u ġusti, u ser ikunu marbutin flimkien permezz ta’ xogħol li jiġġenera d-dħul, fuq il-bażi tas-solidarjetà msejsa fuq l-impjieg. Tista’ tiġi prevista wkoll il-garanzija ta’ dħul minimu (bħala strument ġdid) li jitqies bħala servizz fundamentali, meħtieġa biex jinħolqu l-kundizzjonijiet ta’ reżiljenza, biex jiġi evitat ir-ritorn għal sitwazzjonijiet ta’ faqar estrem. Jeħtieġ li jissaħħu l-istrutturi soċjali fuq perjodu medju u twil ta’ żmien. Jeħtieġ li jissaħħu l-istrutturi soċjali fuq perjodu medju u twil ta’ żmien.

3.7.

Għalkemm il-Kunsens ma jsemmix dan b’mod speċifiku, huwa previst li jinżamm l-impenn li ttieħed bħala parti mill-Aġenda għall-Bidla, li jikkonċerna appoġġ kontinwu għall-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bniedem, li jirrappreżentaw mill-inqas 20 % tal-għajnuna tal-UE.

3.8.

Element ewlieni huwa l-protezzjoni u l-applikazzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet, filwaqt li jiġu rrispettati s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, fattur essenzjali għall-iżvilupp tal-bniedem. Fl-istess ħin, jeħtieġ li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-popolazzjonijiet vulnerabbli fil-konfront tax-xokkijiet ekonomiċi u ambjentali, inklużi d-diżastri naturali u antropoġeniċi. Jeħtieġ li tiġi stabbilita sistema biex tipprovdi għajnuna umanitarja, li tkun koerenti u integrata, bil-għan li jiġu megħjuna l-persuni spostati (b’attenzjoni partikolari għall-minuri u persuni vulnerabbli oħra), permezz tat-tisħiħ tal-aċċess għall-edukazzjoni u għal impjiegi ta’ kwalità għolja.

3.9.

Biex iżomm il-kapaċità vitali tiegħu, jeħtieġ li l-bniedem ikollu aċċess għal dieta varjata u suffiċjenti, nutrittiva, sigura u aċċessibbli għal kulħadd. Huwa essenzjali li jiġi pprovdut appoġġ lill-komunitajiet foqra sabiex jittejjeb l-aċċess tagħhom għar-riżorsi tal-art, għall-ilma, inkluż l-ilma tax-xorb, għas-sanità u għal sorsi ta’ enerġija nadifa, b’mod kontinwu, bi prezz ġust u ekwu, u b’effetti minimi fuq l-ambjent. L-iżgurar ta’ dan l-aċċess jagħmilha possibbli li jitnaqqsu l-forom ta’ malnutrizzjoni u nutrizzjoni insuffiċjenti u n-nuqqas ta’ żvilupp u jippromovi l-awtonomizzazzjoni tat-tfal, kif ukoll is-saħħa mentali tagħhom. Bl-istess mod, l-aċċess għal servizzi aħjar (il-progress teknoloġiku u l-innovazzjoni diġitali) se joħloq il-possibbiltà li tiżdied il-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjonijiet urbani u rurali li qed jikbru b’rata mgħaġġla, u jikkontribwixxi għat-titjib tas-saħħa, il-prosperità, u d-dinjità taċ-ċittadini u jissodisfa l-bżonnijiet tagħhom.

3.10.

Ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà huma elementi essenzjali, indispensabbli għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet sostenibbli fil-kuntest dinji attwali, li huwa kumpless, dinamiku u imprevedibbli. Il-vulnerabbiltà taggrava l-effetti akuti tal-faqar, filwaqt li l-fraġilità estrema marbuta mar-rikorrenza ta’ kriżijiet strutturali tkompli tiġġenera emerġenzi umanitarji, li jxekklu l-iżvilupp ta’ ċerti komunitajiet. Il-persistenza tal-kunflitti titlob iżjed riżorsi milli huma disponibbli, tipperikola l-istabbiliment tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tikkawża żieda fin-numru ta’ refuġjati u persuni spostati. Il-progress jiġi mhedded mid-diffikultajiet rikorrenti fil-qasam tas-saħħa pubblika.

3.11.

L-aċċess għal servizzi tal-enerġija affordabbli u sostenibbli (produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku) għadu limitat u huwa ostaklu għat-tkabbir ekonomiku u industrijalizzazzjoni adegwata u effettiva, adattata għall-kundizzjonijiet, il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet lokali (b’konformità mar-rispett tal-protezzjoni ambjentali). L-aċċess għar-riżorsi naturali huwa limitat, peress li l-modi ta’ sfruttament mhux sostenibbli qed innaqqruhom.

3.12.

L-agrikoltura sostenibbli, sistemi tal-ikel razzjonali u s-sajd sostenibbli jiġġeneraw prodotti li jistgħu jissodisfaw b’mod effettiv il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni, bi tkabbir esponenzjali meta l-pressjoni fuq l-ambjent tkun dgħajfa. L-istress tal-ilma u d-domanda (mhux sostenibbli) tal-ilma għandhom impatt fuq it-tibdil fil-klima.

3.13.

Il-kunsens għandu l-għan li jagħti attenzjoni partikolari lill-vantaġġ demografiku li jirrappreżentaw iż-żgħażagħ fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, billi jiġi sfruttat il-potenzjal kollu ta’ 1,3 biljun persuna li huma l-ixprun ta’ tkabbir inklużiv u ta’ żvilupp sostenibbli, billi jinħolqu impjiegi ġodda ta’ kwalità tajba u billi tiġi appoġġjata l-awtonomizzazzjoni taż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-ekonomiji, is-soċjetajiet u t-teħid tad-deċiżjonijiet u fit-tmexxija tal-affarijiet pubbliċi fil-livell lokali.

3.14.

Jeħtieġ li ssir tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari, bil-għan li jsir uzu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli u jiġi appoġġjat il-proċess wiesa’ favur żvilupp adegwat u sostenibbli. Hemm potenzjal ġenwin sabiex atturi ġodda fis-settur privat jpproponu sħubijiet u soluzzjonijiet innovattivi, kif ukoll mekkaniżmi finanzjarji effiċjenti, vijabbli u etiċi li jistgħu jsiru l-mudelli tal-progress. Il-kooperazzjoni u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni (netwerks u infrastruttura reżiljenti u effiċjenti) huma fatturi kruċjali għas-suċċess, bil-kundizzjoni li r-riżorsi u l-investimenti jkunu orjentati mill-ġdid lejn it-twettiq tal-SDGs, bil-għan li jsir progress bħala reazzjoni għall-isfidi dinjija.

3.15.

Il-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli jitolbu sostenibbiltà ambjentali u klima stabbli, li jikkostitwixxu opportunità għall-gruppi vulnerabbli tas-soċjetà. Il-proċessi ekonomiċi żbilanċjati jistgħu jheddu l-paċi u l-istabbiltà u jwasslu għall-migrazzjoni fuq skala wiesgħa. Il-preokkupazzjonijiet ambjentali għandhom jiġu integrati fl-azzjonijiet ta’ prevenzjoni, fost l-oħrajn permezz ta’ applikazzjoni iżjed stretta tal-prinċipju “min iniġġes iħallas”. Settur privat responsabbli jista’ jaqdi rwol importanti ħafna billi jippromovi l-użu effiċjenti tar-riżorsi, il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, li jistgħu jidiżakkopjaw it-tkabbir ekonomiku mid-degradazzjoni ambjentali, fil-kuntest tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari.

3.16.

Ir-rwol tas-settur privat fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi tal-kapaċità tiegħu li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp fil-pajjiżi benefiċjarji u għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji tas-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp. Filwaqt li strumenti ġodda ta’ finanzjament li jinvolvu l-atturi privati jistgħu jkunu għodda effettiva biex jinħoloq żvilupp ekonomiku, impjieg u dħul tal-gvern, huwa kruċjali li dawn l-istrumenti jkunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet ta’ trasparenza u ta’ valutazzjoni li japplikaw għall-finanzjament pubbliku. L-UE u l-Istati Membri għandhom jiffinanzjaw valutazzjonijiet trasparenti u indipendenti li jagħmluha possibbli li l-partijiet interessati, b’mod partikolari fil-livell lokali, jagħmlu stima tal-kosteffettività u l-impatt tal-attivitajiet ta’ finanzjament tas-settur privat u kummerċjali fil-qasam tal-iżvilupp. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaqblu dwar narrattiva koerenti dwar ir-rwol tas-settur privat fl-iżvilupp sabiex ikun żgurat li l-ebda reġjun jew pajjiż fil-bżonn ma jintesa. Il-mekkaniżmi finanzjarji għall-iżvilupp innovattiv bħas-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) għandhom jiġu skrutinizzati mal-prinċipji tal-iżvilupp u tal-kosteffettività biex jimpedixxu għajnuna marbuta u jiżguraw ambjent regolatorju li jippermetti lill-gvernijiet jorganizzaw servizzi pubbliċi.

3.17.

L-Unjoni Ewropea għandha tippromovi strumenti internazzjonali b’saħħithom fil-qasam tal-ekonomija responsabbli bil-għan li jitħeġġu prattiki kummerċjali u katini ta’ provvista responsabbli. B’żieda fl-interess fis-settur privat bħala attur tal-iżvilupp, l-istrumenti eżistenti għal imġiba kummerċjali responsabbli għandhom jassumu importanza akbar. L-aderenza u l-implimentazzjoni ta’ linji gwida u prinċipji rikonoxxuti internazzjonalment dwar l-imġiba tan-negozji u l-istrumenti ta’ responsabbiltà tagħhom għandhom isiru kundizzjoni ewlenija għall-għoti ta’ appoġġ għas-settur privat fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Il-konformità għandha tkun marbuta mal-eliġibbiltà u sistema ta’ monitoraġġ adegwata għandha twassal għall-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ għajnuna finanzjarja f’każ ta’ ksur.

3.18.

Jeħtieġ li jiġu appoġġjati bil-qawwa l-prattiki tan-negozju responsabbli, l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol u kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti (b’konformità mal-konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u linji gwida u prinċipji oħrajn rikonoxxuti internazzjonalment dwar l-imġiba tan-negozju), ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (fir-rigward tal-istandards tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti), l-integrità finanzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-istandards ambjentali. B’dan il-mod, jiġu evitati l-abbużi u l-korruzzjoni, li jagħmilha possibbli li tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni minn ekonomija informali għal waħda formali.

3.19.

Il-KESE huwa tal-fehma li aċċess mhux diskriminatorju għal taħriġ ta’ kwalità għolja tul il-ħajja, li jiżgura li kull ċittadin ikollu l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa, huwa kundizzjoni fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli. Ħajja aħjar, aktar dinjituża u aktar impenjata, abbażi tal-kapaċitajiet ta’ kull wieħed u waħda minna, ser issawwar adulti aħjar u aktar responsabbli, u aktar drittijiet fi ħdan soċjetà ġusta bbażata fuq il-benessri soċjali u l-prosperità ekonomika.

3.20.

Fattur essenzjali ieħor tal-iżvilupp sostenibbli ser ikun il-ħolqien, il-bini, it-tħaddim u l-użu ta’ infrastruttura urbana effiċjenti: netwerks sostenibbli tat-trasport, interkonnessi u siguri, u infrastruttura reżiljenti oħra. Il-bliet iridu jsiru ċentri ta’ tkabbir u ta’ innovazzjoni, li jippromovu l-inklużjoni, b’komunitajiet rurali fil-madwar b’servizzi bażiċi deċenti. Dawn l-għanijiet jagħmlu parti mill-kunċett tal-ġestjoni tat-territorju, il-ġestjoni ġusta tas-swieq finanzjarji, u l-mobbiltà urbana.

3.21.

L-inugwaljanza, in-nuqqas ta’ stat ta’ dritt, l-esklużjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħtiġijiet umani huma l-kawżi prinċipali tal-faqar, il-fraġilità u l-kunflitti li jiġġeneraw spostamenti sfurzati tal-popolazzjoni. Il-governanza demokratika hija l-garanzija li jiġu eżerċitati d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali (diversità kulturali), kif ukoll dawk reliġjużi. Id-djalogu politiku jippermetti li naġixxu; ir-riforma ġudizzjarja, l-aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd, ġudikatura indipendenti, miftuħa, responsabbli u effiċjenti ser jgħinu biex jitħaffef il-piż li jagħfas fuq il-gruppi soċjali vulnerabbli. Jeħtieġ li jissaħħaħ l-istat tad-dritt, li niġġieldu kontra l-vjolenza u l-kriminalità urbani, li jkun hemm l-aqwa sigurtà possibbli fost il-popolazzjoni, u li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Istat, ir-responsabbiltà, it-trasparenza u l-prevenzjoni tal-kunflitti. B’hekk tiġi żviluppata l-fiduċja bejn il-gvern u ċ-ċittadini.

3.22.

L-iżvilupp sostenibbli jitlob soċjetajiet li jħeġġu l-integrazzjoni u istituzzjonijiet demokratiċi li jippromovu valuri universali: governanza tajba f’diversi livelli, l-istat tad-dritt, proċessi trasparenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet, inizjattivi favur il-ġlieda kontra l- korruzzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, soċjetà ħielsa, ġusta u miftuħa u soċjetà ċivili trasparenti, bħala fattur għall-inklużjoni u reżistenti għax-xokkijiet interni u esterni.

3.23.

Mil-lat tal-istrateġija futura tal-UE fil-qasam tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali (JOIN 2016/29 u l-Opinjoni REX/480 li għadha qed tiġi abbozzata), il-KESE jinsisti fuq l-importanza li għandha tingħata lill-kultura bħala r-raba’ pilastru tal-Aġenda u, għaldaqstant, jirrakkomanda li tiġi integrata fil-prijoritajiet tal-Kunsens Ewropew ġdid dwr l-Iżvilupp.

3.24.

Fl-Opinjoni tiegħu SOC/268 tal-2007 dwar l-immigrazzjoni u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-KESE jiddikjara li “l-Migrazzjoni hija pożittiva kemm għall-pajjiżi tal-oriġini kif ukoll għall-pajjiżi ospitanti”. Madankollu jeħtieġ li jiġi enfasizzat li ġestjoni ħażina tal-migrazzjoni tista’ twassal għal nuqqas ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u tal-aċċess għall-edukazzjoni u għas-saħħa. Il-migranti jistgħu jsiru vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u tax-xogħol furzat. Jeħtieġ li nirreaġixxu u nieħdu azzjoni immedjata u deċiżiva, kemm fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu kif ukoll dawk tad-destinazzjoni finali. Tinħtieġ koordinazzjoni sistematika, strutturata u f’sinerġija sabiex ikun hemm l-aqwa effetti pożittivi possibbli u titnaqqas il-migrazzjoni illegali. Dan l-approċċ ikkoordinat għandu jintrabat mal-għajnuna umanitarja. Is-soluzzjoni hija li tiġi applikata politika ta’ żvilupp sostenibbli, bi sforz kontinwu fil-pajjiżi li huma sors ta’ emigrazzjoni. Id-djalogu politiku jagħmel parti mill-politika esterna Ewropea, strument li jrażżan il-migrazzjoni.

3.25.

Skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-kooperazzjoni internazzjonali u l-iżvilupp, li tnieda fi Frar 2016, aktar minn terz (36 %) taċ-ċittadini tal-UE tal-inqas semgħu jew qraw dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, iżda wieħed minn kull għaxra biss (10 %) jafu x’inhuma. Iċ-ċittadini li jgħixu fir-reġjuni tat-Tramuntana u taċ-ċentru huma fost dawk li l-iżjed semgħu jew qraw dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Huwa ċar li l-UE trid tagħmel aktar sforzi biex teduka u tinforma liċ-ċittadini Ewropej dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b’enfasi partikolari fuq l-Istati Membri tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Ewropa. Fil-fatt, il-KESE rrakkomanda dan fl-Opinjoni tiegħu REX/461 dwar “L-Aġenda 2030 – Unjoni Ewropea impenjata għall-iżvilupp sostenibbli globalment” fejn qal li: “Il-Kummissjoni Ewropea għandha torganizza u twettaq attivitajiet u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni sabiex trendi l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli f’Aġenda Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq sondaġġi perjodiċi tal-Ewrobarometru sabiex tkejjel l-għarfien u l-fehim tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fost iċ-ċittadini tal-UE. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol kruċjali f’dan il-proċess.

3.26.

L-UE għandha l-potenzjal li taqdi rwol prominenti b’rabta mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, minħabba s-setgħa ta’ solidarjetà, il-politiki soċjali u s-sħubijiet ekonomiċi u kummerċjali tagħha mal-atturi interessati kollha li jikkondividu l-istess valuri. In-netwerk diplomatiku wiesa’ tagħha jiggarantixxi l-koerenza u l-konsistenza tal-azzjoni tagħha u żieda fil-kredibilità u l-leġittimità kif ukoll il-valur miżjud tagħha, b’impatt pożittiv. Id-diversità tal-esperjenzi Ewropej, l-approċċi divrenzjati, il-valur miżjud kif ukoll l-unità fid-diversità huma elementi speċifiċi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, u jirrappreżentaw vantaġġ kompetittiv għaliha.

Brussell, is-26 ta’ April 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni. Li jivvaluta l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2005 u li jakkumpanja l-inizjattiva “Proposta għal Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp”.

(2)  The Cost of Non-Europe in Development Policy: Increasing Coordination between EU Donors (“L-ispiża ta’ non-Ewropa fil-politika tal-iżvilupp: it-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn id-donaturi tal-Unjoni Ewropea”), Parlement Ewropew (2013).

(3)  Rapport AidWatch, Concord (2016).