ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 236

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 60
21 ta' Lulju 2017


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 236/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8456 — Ineos/Forties Pipeline System) ( 1 )

1


 

III   Atti preparatorji

 

Il-Bank Ċentrali Ewropew

2017/C 236/02 CON/2017/22

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2017 dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oqfsa ta' ristrutturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE (CON/2017/22)

2


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 236/03

Rata tal-kambju tal-euro

6


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

21.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 236/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8456 — Ineos/Forties Pipeline System)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 236/01)

Fl-14 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32017M8456. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


III Atti preparatorji

Il-Bank Ċentrali Ewropew

21.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 236/2


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-7 ta' Ġunju 2017

dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oqfsa ta' ristrutturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE

(CON/2017/22)

(2017/C 236/02)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-22 ta' Novembru 2016 il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oqfsa ta' ristrutturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE (1) (iktar 'il quddiem id-“direttiva proposta”). Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jikkunsidra li d-direttiva proposta taqa' fl-ambitu ta' kompetenza tiegħu, iżda ma ġiex ikkonsultat dwar id-direttiva proposta. Għaldaqstant, huwa qed jeżerċita d-dritt tiegħu kif ipprovdut fit-tieni sentenza fl-Artikolu 127(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex jissottometti opinjoni lill-istituzzjonijiet xierqa tal-Unjoni Ewropea dwar materji fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu.

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq it-tieni sentenza tal-Artikoli 127(4) tat-Trattat billi d-direttiva proposta fiha dispożizzjonijiet li jaffettwaw l-oqsma ta' kompetenza tal-BĊE, inkluż il-kompitu tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) għat-tmexxija bla xkiel ta' politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja bis-saħħa tal-Artikolu 127(5) tat-Trattat u l-kompiti mogħtija lill-BĊE bis-saħħa tal-Artikolu 127(6) tat-Trattat dwar politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu. Barra minn hekk, id-direttiva proposta taffettwa l-obbligu tas-SEBĊ skont l-Artikolu 127(1) tat-Trattat li jiġu appoġġati l-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-għan primarju tas-SEBĊ li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet. F'konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Il-BĊE jilqa' l-għan ġenerali tad-direttiva proposta li jitnaqqsu l-iktar ostakoli sinifikanti għall-fluss transkonfinali ta' kapital li jirriżulta minn differenzi fl-oqsfa tar-ristrutturar tan-negozju u dak korporattiv tal-Istati Membri. Id-direttiva proposta tikkostitwixxi pass importanti għall-bini ta' standard komuni minimu legalment vinkolanti fi ħdan l-Unjoni, partikolarment fir-rigward ta' proċeduri ta' prelikwidazzjoni għar-ristrutturar korporattiv u ta' negozji.

1.2.

Għalkemm il-proposta tintroduċi għadd ta' miżuri ta' armonizzazzjoni minimi rilevanti ħafna għall-oqfsa ta' ristrutturar eżistenti ma tadottax approċċ olistiku fil-konfront tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-insolvenza fl-Unjoni, inklużi kemm ir-ristrutturar kif ukoll il-likwidazzjoni, u lanqas ma tipprova tarmonizza aspetti ewlenin tad-dritt tal-insolvenza bħalma huma: (a) il-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċeduri ta' falliment; (b) id-definizzjoni komuni ta' insolvenza; (c) il-klassifikazzjoni ta' talbiet ta' insolvenza; u (d) l-azzjonijiet revokatorji. Filwaqt li l-BĊE jirrikonoxxi għal kollox l-isfidi legali u prattiċi konsiderevoli li jinvolvi l-iżvilupp ta' approċċ olistiku, minħabba t-tibdil sinifikanti fid-dritt kummerċjali, ċivili u tal-kumpanniji li jrid ikun hemm biex jakkumpanja impenn bħal dan, hemm bżonn li jkun hemm azzjoni iktar ambizzjuża biex titwitta triq komuni għal armonizzazzjoni iktar sostantiva tal-liġijiet tal-insolvenza tal-Istati Membri, biex b'hekk tkun żgurata armonizzazzjoni iktar komprensiva f'terminu twil ta' żmien (2) u għall-kontribuzzjoni ta' Unjoni ta' Swieq Kapitali li tiffunzjona sewwa.

1.3.

Komuni għall-parti l-kbira ta' sistemi legali huma żewġ għanijiet ewlenin tal-proċeduri tal-insolvenza, inkluża r-riorganizzazzjoni korporattiva u tan-negozju: (a) l-allokazzjoni ta' riskju fost il-parteċipanti f'ekonomija tas-suq b'mod prevedibbli, ekwu u trasparenti, li jinkludi l-ibbilanċjar korrett tar-relazzjoni kreditur-debitur; u (b) il-protezzjoni u l-immassimizzar tal-valur għall-benefiċċju tal-partijiet kollha interessati u tal-ekonomija inġenerali (3). Nuqqas fl-ibbilanċjar adegwat tad-drittijiet tad-debituri u l-kredituri fi proċeduri tal-insolvenza jista' jwassal għal konsegwenzi negattivi u mhux intenzjonati. Qafas tal-insolvenza mfassal sew għandu jkollu inċentivi għall-parteċipanti kollha u jqis debitament il-kunsiderazzjonijiet makrofinanzjarji. Barra minn hekk, meta jkun hemm proċeduri ta' insolvenza prevedibbli dan irawwem tranżazzjonijiet tas-swieq kapitali transfruntieri, filwaqt li proċeduri imprevedibbli għal proċeduri ta' insolvenza, b'mod partikolari f'kuntest transfruntieri, jikkostitwixxu ostakolu sinifikanti għal iktar integrazzjoni tas-suq kapitali. Bl-istess mod, u fil-kuntest tal-livelli għolja ta' self improduttiv li bħalissa qed itaqqlu l-karti tal-bilanċ tal-banek Ewropej, il-prevedibbiltà u t-trasparenza f'dawn il-proċessi jistgħu jikkontribwixxu biex irawmu swieq ta' dejn f'diffikultà fi ħdan l-Unjoni, li, fil-present, huma iktar iffokati domestikament. Bħala minimu, l-għanijiet ewlenin tal-proċeduri ta' insolvenza ġewwa l-Istati Membri għandhom jiġu armonizzati iktar, inkluż bilanċ miftiehem b'mod komuni bejn id-drittijiet tal-kredituri u d-debituri.

1.4.

In-negozji jiddependu ħafna fuq ftehimiet kuntrattwali li jikkodifikaw il-kunċett ta' fiduċja, inaqqsu l-ispejjeż u l-inċertezza, u fl-istess ħin, jappoġġaw proġetti ta' investiment ġodda u opportunitajiet tan-negozju. Sabiex jiġi mmassimizzat il-valur għall-ekonomija ġenerali, għandu jiddaħħal qafas ta' ristrutturar effiċjenti għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji u negozji f'ambjent ekonomiku u legali li jgħin negozji vijabbli biex jirristrutturaw l-operazzjonijiet tagħhom. Filwaqt li negozju mhux vijabbli għandu jiġi llikwidat malajr biex jiġi mmassimizzat il-valur ta' rkupru u titnaqqas l-inċertezza għall-kredituri u parteċipanti oħra, impriżi vijabbli, li l-assi rijabilitati tagħhom jista' jkollhom valur ikbar milli f'xenarju ta' likwidazzjoni, jistgħu potenzjalment jerġgħu lura biex jipproduċu qligħ għall-azzjonisti u ħlasijiet lura lill-kredituri waqt li l-impjiegi jiġu żgurati. F'sitwazzjoni bħal dik, is-salvataġġ ta' negozju għandu jintlaħaq permezz ta' proċeduri kemm informali kif ukoll formali. Il-prospett ta' proċeduri formali huwa rrikonoxxut li għandu implikazzjonijiet ċari għall-ispejjeż u l-inċentivi biex jintlaħaq ftehim ta' ristrutturar. Dan jimplika wkoll li soluzzjoni iktar effiċjenti għar-ristrutturar ta' negozju avvjat tista' ttejjeb il-valur ta' kontinwazzjoni tad-debitur u tipprovdi bilanċ xieraq fil-konfront tal-kredituri, speċjalment dawk mhux iggarantiti. Id-dritt għall-bidu ta' ristrutturar preventiv, għad-definizzjoni ta' pjan ta' ristrutturar, l-opportunità għal kredituri li jiddeċiedu fuq il-pjan b'vot ta' maġġoranza u l-possibbiltà li jinħatar prattikant tar-ristrutturar huma kollha elementi li jistgħu jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-valur tan-negozju. Approċċ bħal dan jista' jappoġġa u jippromwovi wkoll l-istabbiltà finanzjarja billi jinħolqu l-inċentivi ġusti għad-debituri u l-kredituri. Debituri fl-inkwiet huma mħeġġa li jittrattaw minn kmieni u bis-sens mal-kredituri, iktar milli joqgħodu fuq il-possibbiltà ta' trażżin, u impriżi vijabbli jistgħu jkunu distinti minn dawk li ma humiex vijabbli u jibbenefikaw ukoll minn ristrutturar sostenibbli. Bl-istess mod, minkejja l-limiti li waqfa tal-azzjonijiet ta' infurzar ipoġġu fuq l-eżerċizzju immedjat tad-drittijiet tal-kredituri, il-kredituri jistgħu madankollu jibbenefikaw minn spejjeż imnaqqsa tal-ħdim tad-dejn, aċċess iktar faċli u minn qabel għall-kollateral, u għalhekk valuri tal-kollateral ogħla, l-approfondament tas-swieq għal dejn f'diffikultà u l-effett ta' sinjal li tali qafas jista' jkollu fuq id-dixxiplina tad-debitur.

1.5.

Flimkien ma' riformi leġiżlattivi, kodiċi tal-aħjar prattika jew prinċipji jista' jiġi kkunsidrat bħala għodda għall-orjentament ta' liġijiet dwar l-insolvenza nazzjonali lejn approċċ iktar armonizzat fuq perijodu ta' żmien twil. Barra minn hekk, l-adozzjoni mill-Istati Membri kollha ta' standards internazzjonali rikonoxxuti, bħal-Liġi Mudell dwar l-Insolvenza Transfrontaliera (4) tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq id-Dritt tal-Kummerċ Internazzjonali (UNCITRAL), tista' twassal ukoll għal grad ikbar ta' armonizzazzjoni.

1.6.

Barra minn hekk, id-drittijiet nazzjonali huma sostanzjalment differenti dwar id-definizzjoni ta' attivazzjonijiet għall-ftuħ ta' proċeduri ta' riorganizzazzjoni (5). Din il-proposta toffri opportunità unika biex jiddaħħal fis-seħħ reġim panEwropew, li jibni fuq kunċetti sottostanti komuni u elementi ewlenin armonizzati.

1.7.

Fl-aħħar nett, għalkemm id-direttiva proposta ma tapplikax għal proċeduri relatati ma' debituri li huma istituzzjonijiet ta' kreditu, ditti ta' investiment u impriżi ta' investiment kollettiv, kontropartijiet ċentrali u depożitarji ta' titoli ċentrali impriżi tal-assigurazzjoni u impriżi ta' riassigurazzjoni u istituzzjonijiet finanzjarji oħra u entitajiet elenkati fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jistgħu jinqalgħu konsegwenzi mhux intenzjonati għal dawn l-istituzzjonijiet minħabba l-impatt fuq kuntratti finanzjarji mal-kontropartijiet kummerċjali tagħhom (ara, pereżempju, il-paragrafu 2.4 dwar l-infurzar ta' arranġamenti ta' netting ta' għeluq). Barra minn hekk, il-konsegwenzi u l-ambitu tal-waqfa, bħal pereżempju jekk il-waqfa ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali tapplikax ukoll għal assi tad-debitur mirhuna bħala kollateral għal talbiet tal-kreditur, għandhom jiġu vvalutati b'attenzjoni wkoll mill-perspettiva tal-impatt possibbli tagħha fuq rekwiżiti kapitali regolatorji, u partikolarment mill-perspettiva ta' tekniki ta' mitigazzjoni tar-riskju skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). F'dan il-kuntest, kunsiderazzjoni iktar sfumata tar-relazzjoni legali bejn id-direttiva proposta u d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-oqsma finanzjarji hija meħtieġa, inklużi r-Regolament (UE) Nru 575/2013, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill (8), id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill (9), id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u d-Direttiva 2014/59/UE. Għal dan il-fini, għandha tingħata attenzjoni speċjali għal konsegwenzi potenzjalment mhux intenzjonati.

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.   Definizjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta' proċeduri ta' insolvenza

Id-direttiva proposta żżid mal-frammentazzjoni eżistenti dwar id-definizzjoni tal-proċeduri rilevanti fi ħdan l-atti legali tal-Unjoni (11), u titlaq mill-approċċ tar-Regolament (UE) 2015/848, fejn il-proċeduri ta' insolvenza koperti kollha huma elenkati fl-annessi. Id-direttiva proposta għandha tintuża bħala vettura għal armonizzazzjoni ulterjuri ta' din id-definizzjoni, pjuttost milli tagħti lok għal frammentazzjoni kunċettwali ulterjuri.

2.2.   Probabbiltà ta' insolvenza

Id-direttiva proposta teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li debituri f'diffikultajiet finanzjarji jkollhom aċċess għal qafas ta' ristrutturar preventiv effettiv li jippermettilhom jirristrutturaw id-djun jew in-negozju tagħhom u jirrestawraw il-vijabbiltà tagħhom fejn hemm “probabbiltà ta' insolvenza”. Dan il-kunċett għandu jiġi elaborat iktar fid-direttiva proposta billi huwa kruċjali għall-qafas ta' ristrutturar u m'għandux jitħalla fid-diskrezzjoni kompleta tal-Istati Membri. B'mod partikolari, għandha tingħata gwida ulterjuri lil leġiżlaturi nazzjonali dwar l-ambitu u l-kontenut tal-kunċett ta' “probabbiltà ta' insolvenza”. Bħala alternattiva li tiġi inkluża tali gwida fid-direttiva proposta, tista' tiġi pprovduta permezz ta' standards tekniċi regolatorji li jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta' poteri leġiżlattivi delegati.

2.3.   Il-bżonn għal ġerarkija ċara bejn id-direttiva proposta u atti legali tal-Unjoni oħrajn li jaffettwaw l-istabbilità tas-swieq finanzjarji u għall-valutazzjoni tal-effetti tagħha fuq atti legali ulterjuri tal-Unjoni

L-Artikolu 31 tad-Direttiva proposta jipprovdi li d-direttiva proposta hija mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 98/26/KE u 2002/47/KE u r-Regolament (UE) Nru 648/2012. Barra minn dan, il-premessa 43 tgħid li l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tiddependi b'mod qawwi fuq arranġamenti kollaterali finanzjarji, b'mod partikolari, meta l-kollateral ta' sigurtà jiġi pprovdut b'rabta mal-parteċipazzjoni f'sistemi indikati jew f'operazzjonijiet ta' bank ċentrali u meta l-marġni huma pprovduti lil kontropartijiet ċentrali. Il-premessa 43 tinnota wkoll li billi l-valur tal-istrumenti finanzjarji mogħtija bħala garanzija jista' jkun volatili ħafna, huwa kruċjali li jiġi rrealizzat il-valur tagħhom malajr qabel ma jinżel.

Fl-interess li jiġi pprovdut grad għoli ta' ċertezza legali u gwida ċara lill-Istati Membri, ikun preferibbli li tiġi stabbilita ġerarkija ċara bejn id-direttiva proposta u l-atti legali tal-Unjoni Ewropea speċifikati, billi jiġi pprovdut espressament fl-Artikolu 31 li d-dispożizzjonijiet ta' dawn l-atti legali jipprevalu fuq id-direttiva proposta.

Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat sa fejn l-entitajiet regolati mid-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), jiġifieri istituzzjonijiet ta' ħlas u istituzzjonijiet ta' flus elettroniċi, jistgħu jutilizzaw il-qafas ta' ristrutturar preventiv tad-direttiva proposta. Dawn l-entitajiet huma meħtieġa biex jissalvagwardjaw il-fondi riċevuti minn detenturi ta' flus elettroniċi jew minn utenti ta' servizz ta' pagament, rispettivament, billi jżommu dawn il-fondi separati mill-fondi tal-istituzzjoni rilevanti użati għal attivitajiet kummerċjali oħra (14). Din is-separazzjoni tal-fondi hija partikolarment rilevanti fil-każ ta' proċeduri ta' insolvenza relatati ma' tali istituzzjonijiet. La l-istituzzjonijiet tal-ħlas u lanqas l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi ma huma espressament eżentati mill-ambitu tad-direttiva proposta. Konsegwentement, l-effett potenzjali tal-waqfa tal-azzjonijiet ta' infurzar fuq istituzzjonijiet ta' ħlas u istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi suġġetti għad-direttiva proposta għandu jiġi evalwat u ċċarat, potenzjalment billi tiġi inkluża premessa addizzjonali jew titwessa' l-lista ta' atti legali tal-Unjoni eżentati fl-Artikolu 31 tad-direttiva proposta.

2.4.   Infurzabbiltà ta' arranġamenti ta' netting ta' għeluq

Għandu jiġi kkjarifikat sa fejn id-direttiva proposta, inkluża l-waqfa ta' azzjonijiet ta' infurzar, topera mingħajr preġudizzju għall-infurzabbiltà ta' arranġamenti ta' netting ta' għeluq bejn istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji, minn naħa, u debituri korporattivi, min-naħa l-oħra. Huwa mifhum li l-proċeduri ta' ristrutturar preventiv, fit-tifsira tad-direttiva proposta, jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni li tipprovdi d-Direttiva 2002/47/KE li teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dispożizzjoni ta' netting ta' għeluq f'arranġament ta' kollateral finanzjarju tista' topera skont it-termini tagħha, minkejja l-bidu jew il-kontinwazzjoni ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni (15). Ħafna liġijiet nazzjonali fihom rikonoxximent usa' tal-infurzabbiltà ta' dispożizzjonijiet ta' netting ta' għeluq lil hinn mill-kuntest ta' arranġamenti tal-kollateral finanzjarju, minkejja l-ftuħ ta' proċeduri ta' riorganizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-ambitu tad-Direttiva 2002/47/KE l-arranġamenti tal-kollateral finanzjarju meta waħda mill-partijiet hija debitur korporattiv ordinarju (16). Dan jagħmel problematiku l-infurzar ta' arranġamenti ta' netting ta' għeluq ma' dawn id-debituri korporattivi bħala kontropartijiet (17). Jista' jkollha wkoll implikazzjonijiet prattiċi għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji fir-rigward tal-abblità tagħhom li josservaw il-kundizzjonijiet biex arranġamenti ta' netting kuntrattwali jiġu rrikonoxxuti bħala forma eliġibbli ta' mitigazzjoni ta' riskju ta' kreditu u tnaqqis ta' riskju skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 (18). L-introduzzjoni ta' qafas ta' ristrutturar preventiv fil-livell tal-Unjoni jeħtieġ li din il-kwistjoni tingħata kunsiderazzjoni b'attenzjoni.

Meta l-BĊE jirrakkomanda li d-direttiva proposta tiġi emendata, qed jiġu previsti proposti speċifiċi tal-abbozzar f'dokument ta' ħidma tekniku separat flimkien ma' test spjegattiv għal dan il-għan. Id-dokument ta' ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-7 ta' Ġunju 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM (2016) 723 finali.

(2)  Ara Diego Valiante, Harmonising Insolvency Laws in the Euro Area: rationale, stocktaking and challenges, Centre for European Policy Studies Special Report Nru 153, Diċembru 2016.

(3)  Ara Fond Internazzjonali Monetarju (IMF), Orderly & Effective Insolvency Procedures: Key Issues, 1999, disponibbli fil-websajt tal-IMF f'www.imf.org.

(4)  Disponibbli fis-sit tal-UNCITRAL f'www.uncitral.org.

(5)  Ara Diego Valiante, Harmonising Insolvency Laws in the Euro Area, iċċitat fin-nota ta' qiegħ il-paġna 2, pp. 11-12; u Gerard McCormack et al., Study on a new approach to business failure and insolvency, Comparative legal analysis of the Member States' relevant provisions and practices, Tender No JUST/2014/JCOO/PR/CIVI/0075, Jannar 2016, Kapitolu 5.2.

(6)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190) u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE and 2013/36/UE, u Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(7)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(8)  Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(9)  Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar il-finalità tal-ħlas f'sistemi ta' saldu ta' pagamenti u s-sistemi ta' ħlas ta' titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).

(10)  Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 3, p. 89).

(11)  Ara, eż, id-definizzjonijiet ta' “miżuri ta' riorganizzazzjoni”, “proċeduri ta' stralċ” u “proċeduri ta' insolvenza” fir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar proċeduri ta' insolvenza (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19); Direttiva 2002/47/KE; u d-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 4 p. 15) rispettivament.

(12)  Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

(13)  Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(14)  Ara l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/110/KE u l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2015/2366.

(15)  Ara l-Artikolu 2(1)(k) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/47/KE dwar ir-rikonoxximent regolatorju ta' netting kuntrattwali.

(16)  Jiġifieri, meta d-debitur ma jaqax taħt xi kategorija msemmija fl-Artikolu 1(2) (a) sa (d) tad-Direttiva 2002/47/KE.

(17)  Ara l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/47/KE dwar il-possibbiltà ta' Stati Membri li jeskludu arranġamenti kollaterali finanzjarji għal ċerti kontropartijiet.

(18)  Ara l-Artikoli 206 u 296 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

21.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 236/6


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-20 ta’ Lulju 2017

(2017/C 236/03)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1485

JPY

Yen Ġappuniż

128,92

DKK

Krona Daniża

7,4367

GBP

Lira Sterlina

0,88718

SEK

Krona Żvediża

9,5678

CHF

Frank Żvizzeru

1,1039

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,3000

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

26,040

HUF

Forint Ungeriż

305,77

PLN

Zloty Pollakk

4,2100

RON

Leu Rumen

4,5655

TRY

Lira Turka

4,0652

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4510

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4487

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,9700

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5631

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5738

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 291,52

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

14,9020

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,7760

HRK

Kuna Kroata

7,4103

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 314,67

MYR

Ringgit Malażjan

4,9288

PHP

Peso Filippin

58,428

RUB

Rouble Russu

67,8540

THB

Baht Tajlandiż

38,653

BRL

Real Brażiljan

3,6166

MXN

Peso Messikan

20,2035

INR

Rupi Indjan

74,0100


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.