ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 487

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
28 ta' Diċembru 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

519 Sessjoni Plenarja tal-KESE fl-21 u l-22 ta' Settembru 2016

2016/C 487/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Miżuri ġodda għal governanza u implimentazzjoni orjentati lejn l-iżvilupp — valutazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u rakkomandazzjonijiet relatati (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

1

2016/C 487/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-drittijiet tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu [opinjoni fuq inizjattiva proprja]

7

2016/C 487/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-politika tal-UE dwar il-bijodiversità (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

14

2016/C 487/04

Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew It-triq minn Pariġi (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

24

2016/C 487/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-pożizzjoni tal-KESE dwar kwistjonijiet speċifiċi ewlenin fin-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

30

2016/C 487/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Żvilupp sostenibbli — immappjar tal-politiki interni u esterni tal-UE(opinjoni esploratorja)

41

2016/C 487/07

Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Leġislazzjoni valida għall-futur (opinjoni esploratorja)

51


 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

519 Sessjoni Plenarja tal-KESE fl-21 u l-22 ta' Settembru 2016

2016/C 487/08

Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas ġuridiku tal-Unjoni għal ksur doganali u sanzjonijiet[COM(2013) 884 final – 2013/0432 (COD)]

57

2016/C 487/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat[COM(2016) 198 final – 2016/0107 (COD)]

62

2016/C 487/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ[COM(2016) 196 final — 2016/0105 (COD)] u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi reġistrata d-dejta dwar id-dħul u l-ħruġ u d-dejta dwar ir-rifjut ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 767/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1077/2011[COM(2016) 194 final — 2016/0106 (COD)]

66

2016/C 487/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jirrevoka r-Regolament (UE) Nru 994/2010[COM(2016) 52 final – 2016/0030 (COD)]

70

2016/C 487/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar strateġija tal-UE għall-gass naturali likwifikat u l-ħażna tal-gass[COM(2016) 49 final]

75

2016/C 487/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi u strumenti mhux vinkolanti bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE[COM(2016) 53 final]

81

2016/C 487/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inizjattiva Cloud Ewropea — Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa[COM(2016)178 final]

86

2016/C 487/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali[COM(2016) 176 final]

92

2016/C 487/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-gvern elettroniku għall-2016-2020 — Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika[COM(2016) 179 final]

99

2016/C 487/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Programm Nukleari Illustrattiv ppreżentat skont l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[COM(2016) 177 final]

104

2016/C 487/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew jinsabu mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(COM(2016) 418 final — 2016/0193 (COD))

111

2016/C 487/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dazji doganali ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (kodifikazzjoni)(COM(2016) 408 final — 2014/0175 (COD))

112

2016/C 487/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol(COM(2016) 248 final — 2016/0130 COD)

113


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

519 Sessjoni Plenarja tal-KESE fl-21 u l-22 ta' Settembru 2016

28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Miżuri ġodda għal governanza u implimentazzjoni orjentati lejn l-iżvilupp — valutazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u rakkomandazzjonijiet relatati”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 487/01)

Relatur:

is-Sur Etele BARÁTH

Data tad-deċiżjoni tal-Bureau

21.1.2016

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

8.9.2016

Opinjoni adottata fil-plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

171/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE huwa tal-fehma li għandha tiġi implimentata governanza Ewropea kkoordinata u orjentata lejn l-iżvilupp, li tipprevedi li tikkontribwixxi għall-kostruzzjoni ta’ Ewropa mġedda, b’saħħitha u paċifika. Għandha tissaħħaħ il-koordinazzjoni, possibbilment bl-għoti ta’ mod ġdid ta’ organizzazzjoni lill-governanza.

1.2.

Għandu jiġi stabbilit mill-ġdid żvilupp dinamiku tal-ekonomija permezz ta’ evoluzzjonijiet ikkoordinati, u jiġu kkonsolidati l-pedamenti tal-benessri soċjali u tad-demokrazija, il-koeżistenza tal-kulturi differenti u r-rispett eżemplari tal-ambjent.

1.3.

Il-KESE jenfasizza li l-applikazzjoni koerenti tal-prinċipju tas-sħubija għandu l-għan li jrawwem il-parteċipazzjoni tal-partijiet involuti fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-investimenti tal-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din il-parteċipazzjoni se ssaħħaħ l-impenn kollettiv favur l-investiment u permezz tagħha jsir użu akbar tal-għarfien espert. Din tagħmel l-implimentazzjoni tal-proġetti aktar effiċjenti, iżżid it-trasparenza u tgħin biex tiskoraġġixxi l-frodi u l-abbuż.

1.4.

Dak li għandna bżonn, huwa objettivi u strateġija sempliċi u aċċessibbli, proġett uniku għall-Ewropa (Strateġija tal-UE 2030-2050). Ikun jaqbel li jiġi kkonfermat li l-ħolqien ta’ Ewropa innovattiva, sostenibbli u inklużiva jibqa’ objettiv strateġiku ewlieni tal-Unjoni. Għal dan l-għan, l-għanijiet tal-COP21 (għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli) għandhom ukoll jiġu integrati fl-abbozz.

1.5.

Il-programmi ta’ żvilupp għandhom jiġu kkoordinati aħjar. It-tfassil ta’ programmi u għodod ta’ żvilupp fuq perjodi ta’ żmien qosra, medji u twal għandu jibbaża fuq sett ta’ objettivi konċiżi. “Għodod” ifissru taħlita ta’ strumenti politiċi, legali, organizzattivi u finanzjarji.

1.6.

Għat-titjib tal-koordinazzjoni, il-KESE jirrakkomanda li l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) tradizzjonali kif ukoll il-proġetti, orjentati lejn is-suq u li jimmobilizzaw ukoll kapital privat, li joħorġu mill-Fondi Ewropej għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), għandhom jintużaw favurl-għanijiet Ewropej komuni. Għal dan l-għan, huwa importanti li jiġu kkoordinati l-għanijiet u r-regoli għall-implimentazzjoni tagħhom.

1.7.

Il-Kumitat jipproponi li l-istrument prinċipali għas-servizz ta’ governanza ċentrali, orjentata lejn l-iżviupp u msaħħa, jkun is-semestru Ewropew, li jibbaża fuq l-eżami annwali tat-tkabbir u li għandu wkoll jipprevedi l-mezzi li jinfluwenzaw b’mod kontinwu l-proġett għall-Ewropa u li jimmonitorja l-iżviluppi bir-reqqa. Is-semestru Ewropew fl-istess ħin jista’ jwettaq il-funzjonijiet tas-sistemi li għandhom l-għan li jiżguraw ambjent soċjali li jiggarantixxi l-benessri.

1.8.

Flimkien mal-indikatur ta’ prestazzjoni tal-PDG diġà adottat u ta’ natura essenzjalment ekonomika, indikatur tar-riżultat (introjtu nazzjonali gross), komplementari għal ta’ qabel, li jirrifletti wkoll is-sostenibbiltà u li jinvolvi fil-biċċa l-kbira l-fatturi soċjali u ambjentali, jista’ jservi bħala bażi għall-kontroll tal-effikaċja tal-governanza orjentata lejn l-iżvilupp.

1.9.

Jinħtieġu koordinazzjoni mill-qrib u l-implimentazzjoni ta’ metodu miftuħ ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Jaqbel li ngħaddu għall-addattament tal-esperjenza miksuba s’issa fil-proċessi ta’ żvilupp.

1.10.

L-istrumenti legali u finanzjarji għandhom jissaħħu. Il-prestazzjoni ta’ governanza orjentata lejn l-iżvilupp se tiddependi mid-dinamiżmu tal-ekonomija, miż-żieda fil-kapital immobilizzat, miż-żieda fl-effiċjenza tas-sistema ta’ investiment, minn livell ta’ kwalifiki msaħħaħ mill-forza tax-xogħol u mill-grad ta’ innovazzjoni tal-kumpaniji. Iżda l-objettiv prinċipali tagħha iktar fit-tul huwa li jinħolqu l-benessri u soċjetà mġedda u li jiġi ggarantit ambjent imtejjeb u sostenibbli.

1.11.

Hija essenzjali implimentazzjoni kondiviża, f’diversi livelli. B’mod parallel għar-riforma attwali (il-programm REFIT), għandhom jiġu żviluppati l-istrumenti legali u amministrattivi tal-governanza orjentata lejn l-iżvilupp. F’dan ir-rigward, l-istrumenti ta’ livell intermedjarju, jiġifieri l-istrumenti ta’ koordinazzjoni tal-iżviluppi makroreġjonali, għandhom jissaħħu b’mod konsiderevoli. Barra minn hekk, ir-rwol tar-reġjuni funzjonali, il-bliet, iż-żoni urbani, l-agglomerazzjonijiet, iż-żoni metropolitani u n-netwerks jikseb valur konsiderevoli fil-qafas tal-proġett għall-Ewropa.

1.12.

Wieħed mill-elementi prinċipali ta’ governanza orjentata lejn l-iżvilupp fuq perjodu ta’ żmien fit-tul huwa l-kontinwità. Hemm bżonn li jiġu kkoordinati l-kundizzjonijiet tan-natura ċiklika tal-politiki, tal-proċessi ta’ programmazzjoni u tal-iżvilupp u tal-orizzonti baġitarji. L-attività ta’ żvilupp timplika analiżi kontinwa, kontroll u korrezzjonijiet.

1.13.

Huwa importanti b’mod partikolari li l-pubbliku jiġi infurmat bi preċiżjoni, li jiġi promoss l-involviment tiegħu, jiġu żviluppai l-komunikazzjoni u l-marketing politiku, u li jiġu ppreżentati kif dovut ir-riżultati konkreti u d-dgħufijiet.

1.14.

Il-KESE dejjem ħadem favur it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni demokratika. Fir-rigward tal-metodu miftuħ ta’ kooperazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-imsieħba ekonomiċi u soċjali u tal-NGOs għandha tiġi garantita fil-livelli kollha, li, fil-livell Ewropew, għandha timxi pass pass mal-valorizzazzjoni tar-rwol tal-KESE.

1.15.

Kif diġà stqarr fl-Opinjoni tiegħu tal-2012 (1), il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-introduzzjoni ta’ Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija (KKES), li l-għan tiegħu huwa li jipprovdi lill-Istati Membri qafas ta’ sħubija fi kwistjonijiet ta’ ppjanar u implimentazzjoni. Il-kunċett li l-imsieħba għandhom dwar l-Ewropa se jikkontribwixxi biex jiġu ddefiniti l-objettivi u biex tiġi promossal-identifikazzjoni tagħhom, biex tittejjeb l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-pjani.

1.16.

Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn miżuri li jmorru lil hinn mir-regolamentazzjoni tas-sħubija bbażata fuq il-proposti u l-prattiki tajbin, filwaqt li jiġu speċifikati aħjar l-aspettattivi minimi li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jridu jissodisfaw biex ma jkunux sanzjonati.

1.17.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jkunu obbligati jistabbilixxu sistemi effiċjenti ta’ fondi favur it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-imsieħba. Dawn is-sistemi għandhom imorru lil hinn mill-istabbilimenti jew it-trażmissjonijiet sempliċi ta’ informazzjoni u jkopru wkoll l-iżvilupp ta’ netwerks ta’ sħubija u l-implimentazzjoni ta’ strumenti ta’ parteċipazzjoni effettiva.

1.18.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ netwerks ta’ sħubija Ewropej. Tajjeb li l-Kummissjoni timplimenta sistema ta’ finanzjament li tappoġġja lin-netwerks Ewropej ta’ NGOs attivi fil-politika reġjonali, fir-rigward b’mod partikolari tal-kontroll tal-proċessi nazzjonali u tal-garanzija tal-għoti lura ta’ informazzjoni.

2.   Għal Ewropa mġedda u b’saħħitha

2.1.    Is-sitwazzjoni attwali u nota ta’ spjegazzjoni

2.1.1.

L-Unjoni Ewropea hija b’saħħitha, iżda qiegħda dejjem tiffaċċja kriżi f’diversi forom li qed terġa’ titfaċċa, kif juri tajjeb il-każ tal-Brexit. Il-kriżi ekonomika tal-2008 kissret l-ewforija maħluqa mit-tkabbir tal-bidu tas-snin 2000 u, f’diversi pajjiżi, qalbet il-proċess ta’ aġġustament.

2.1.2.

Il-kriżi ekonomika, u b’mod iktar partikolari t-tnaqqis tal-investimenti li rriżulta minnha, xellfet l-għaqda bbażata fuq it-tkabbir li kienet teżisti bejn l-Istati Membri u kkawżat tensjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali dejjem jikbru. Minkejja l-għan fundamentali tal-Unjoni, id-differenzi fl-iżvilupp bejn l-Istati Membri qed jiżdiedu.

2.1.3.

It-tkomplija tal-impożizzjoni ta’ politiki ta’ awsterità stretti f’pajjiżi affettwati minn livell għoli ta’ dejn pubbliku u estern u minn żbilanċi baġitarji tikkontribwixxi biex taggrava d-differenzi bejn il-pajjiżi l-aktar avvanzati u dawk li qed jaffaċċjaw l-awsterità. Politiki ġodda huma meħtieġa biex jgħaqqdu t-tkabbir ekonomiku u l-kontroll tad-defiċit tal-baġit ma’ politiki effikaċi tal-inklużjoni soċjali.

2.1.4.

Il-faqar, il-prekarjetà tal-impjieg u l-qgħad laħqu livell inaċċettabbli. In-nuqqas ta’ perspettivi għaż-żgħażagħ jikkostitwixxi ostaklu mdaqqas għall-futur li jista’ jiġġedded tal-Ewropa.

2.1.5.

L-Unjoni Ewropea tilfet l-istatus tagħha ta’ post attraenti għall-investituri u kisbet reputazzjoni ta’ burokrazija. Fir-rigward tal-investimenti produttivi, waqgħet lura b’mod dejjem iktar fil-konfront tal-Istati Uniti u ta’ ċerti Stati Membri tagħha, bħall-Ġermanja u r-Renju Unit. Il-pajjiżi li waqgħu lura qegħdin iżommu lura lil dawk l-iktar dinamiċi. Il-ħtieġa ta’ interdipendenza reċiproka qed tonqos. F’xi pajjiżi, minkejja bilanċ baġitarju pożittiv sinifikanti, id-distakk qed jikber minħabba t-tnaqqis tal-investimenti produttivi li jwassal biex l-ifqar reġjuni jibqgħu dejjem iktar lura. Ir-reazzjoni hija kajmana u burokratika.

2.1.6.

Il-kisbiet fundamentali tal-Unjoni, bħaż-żona tal-euro jew iż-żona Schengen, illum, f’kuntest iddominat mill-kriżi tal-migranti u t-terroriżmu, jidhru bħala fatturi ta’ firda aktar milli elementi ta’ koeżjoni. F’diversi pajjiżi, l-UE ġiet strumentalizzata għal skopijiet ta’ politika interna.

2.1.7.

Il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni ma jikkonverġux. Imkejjel f’PDG, il-marġni bejn ir-reġjuni l-iktar avvanzati u l-iktar lura fl-iżvilupp huwa ta’ 14 għal 1. Ċerti pajjiżi, inklużi fost il-benefiċjarji l-kbar, jużaw il-fondi attribwiti lilhom minflok l-istrumenti tal-Istat u l-faċilitajiet tal-investiment tagħhom, filwaqt li l-kontribut nazzjonali tagħhom naqas għal livell minimu, nettament taħt l-objettivi inizjali. Il-bordijiet ta’ kompetittività li għandhom kif inħolqu jistgħu jużaw l-istrumenti tagħhom biex jagħtu kontribut akbar għall-konverġenza fil-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni.

2.1.8.

Iċ-ċittadini u l-atturi ekonomiċi, soċjali u NGOs Ewropej m’għad għandhom l-ebda perspettiva, dawn tbiegħdu mill-proċess politiku biex jinqatgħu dejjem iktar. Dawn iqisu lill-UE bħala istituzzjoni riġida, nieqsa mill-flessibbiltà u li mhix kapaċi li tiġġedded.

2.1.9.

L-Unjoni Ewropea, prinċipalment minħabba d-dgħufija tal-prestazzjonijiet tagħha u tas-sistema istituzzjonali tagħha fil-qasam tal-iżvilupp, mhijiex kapaċi timmobilizza biżżejjed mezzi biex jintlaħqu l-objettivi tagħha, li huma frammentati.

2.1.10.

M’hemmx unità fil-viżjoni tal-futur, ir-rieda politika jew il-kapaċità ta’ governanza. Il-metodu ta’ koordinazzjoni mhux biżżejjed u huwa skadut, l-istrumenti legali m’għandhom l-ebda impatt jew diffiċli jintużaw, il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet u l-appoġġ soċjali huma dgħajfa, b’mod partikolari minħabba komunikazzjoni difettuża.

2.1.11.

L-istrateġija ta’ żvilupp fit-tul tal-Unjoni, sal-2020, diġà ma tħarisx ‘il quddiem biżżejjed u lanqas hija realista, minbarra li hija frammentata u mhix kapaċi li tiggwida l-proċessi fl-oqfsa metodoloġiċi attwali. Sadanittant, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-17-il mira ewlenija tal-SDG dwar is-sostenibbiltà tal-iżvilupp li ġew adottati, wasslu biex il-Kummissjoni Ewropea tibda rieżami tas-sistema u l-istrumenti ta’ governanza, bħala parti minn strateġija kumplessa għal perjodu ta’ żmien twil.

2.2.    Approċċi ġodda

2.2.1.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, appoġġata mill-Parlament Ewropew, nediet paradigma ġdida ta’ żvilupp ekonomiku. L-objettivi fformulati – il-ħolqien ta’ impjiegi u l-promozzjoni tat-tkabbir, it-twettiq tas-suq uniku Ewropew, is-semplifikazzjoni tas-sistema ta’ regolazzjoni ekonomika, il-konsolidazzjoni tal-iżviluppi komunitarji prijoritarji, is-suq tal-enerġija, l-appoġġ għall-investimenti fis-suq u s-servizzi diġitali, it-trattament prijoritarju tan-netwerks intellettwali u fiżiċi għall-interkonnessjoni tal-Ewropa, u t-tisħiħ tar-responsabbiltà ambjentali jistgħu jipprovdu dinamika ġdida importanti għall-ekonomija.

2.2.2.

Is-Semestru Ewropew u l-komponenti tiegħu jikkostitwixxu sistema li tmur lil hinn mill-qafas tal-governanza ekonomika. Għandu jiġi msaħħaħ ir-rwol tal-objettivi soċjoambjentali fuq perjodu ta’ żmien twil fil-qafas tal-mekkaniżmu tas-semestru Ewropew.

2.2.3.

Il-programm prijoritarju li jipprevedi l-konsolidament sħiħ tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro minn naħa mhuwiex sodisfaċenti, u, min-naħa l-oħra, isaħħaħ il-biżgħat tassew reali li jwessgħu aktar id-distakk bejn il-pajjiżi Ewropej. Objettivi ta’ żvilupp fil-livell Ewropew jistgħu inaqqsu l-paraliżi ta’ Ewropa fuq żewġ veloċitajiet.

2.2.4.

Bħalissa, żewġ settijiet kbar ta’ strumenti ekonomiċi u finanzjarji differenti ħafna, kull wieħed minnhom akkumpanjat bil-proċedura tiegħu stess, jiddeterminaw il-proċessi ta’ żvilupp. Hemm bżonn li tissaħħaħ il-kumplementarjetà bejn dawn is-settijiet sa mill-istadju tal-koordinazzjoni tal-objettivi.

2.2.5.

L-ewwel nett, dan jirrigwarda l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) tradizzjonali, imdaħħla fit-Trattati, li l-għan tagħhom huwa li jippromovu l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali. Dawn jieħdu l-forma ta’ għajnuniet għall-investiment u għall-iżvilupp, immodernizzati b’mod kontinwu, iżda li n-natura tagħhom ma tinbidilx, disponibbli permezz tat-tqassim mill-ġdid tal-baġit tal-Unjoni bil-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bħala sors. F’ċertu numru ta’ każijiet, dawn il-fondi mhumiex stmati fil-valur ġust tagħhom mill-benefiċjarji, li jsostnu li “għandhom dritt” għalihom. Matul ir-rieżami msejħa “ta’ nofs it-terminu” tal-perjodu attwali sal-2020, hija meħtieġa l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida biex tiġi promossal-kumplementarjetà msemmija iktar kmieni.

2.2.6.

It-tieni sett ta’ strumenti huwa l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), li għandu jippermetti t-twettiq tal-“pjan Juncker” il-ġdid u li huwa strument finanzjarju ġdid orjentat lejn is-suq, li joffri l-possibbiltà li jappoġġja l-kapital ta’ riskju u jimmobilizza l-fondi pubbliċi, bankarji u privati, u fejn l-ammont jista’ jiżdied iktar. Il-mekkaniżmu ta’ governanza implimentat jista’ jsir element kostituttiv tal-governanza orjentata lejn l-iżvilupp. L-armonizzazzjoni ta’ dawn iż-żewġ sistemi ta’ finanzjament għandu jkollha wkoll lok fil-livell ta’ kull Stat Membru.

2.2.7.

Meta mqabbla ma’ dawn l-iskemi ta’ finanzjament, l-istrumenti finanzjarji l-oħra li jiffunzjonaw tajjeb huma strumenti diversifikati, adattati għall-missjonijiet tagħhom, iżda b’firxa limitata u b’objettivi speċifiċi. L-oqfsa tal-proġett għall-Ewropa jistgħu jkunu soġġetti għal koordinazzjoni mill-qrib u sistematika.

2.2.8.

Sal-lum, ma ġewx implimentati l-mezzi diretti li jistgħu jippromovu l-kisba tal-objettivi, pjuttost numerużi iżda mhux interkonnessi, tal-istrateġija Ewropa 2020 li jipprevedu t-titjib tal-koordinazzjoni. Fin-nuqqas ta’ tali mezzi, wieħed madankollu jista’ jistaqsi jekk huwiex possibbli li jiġi kkoordinat l-iżvilupp tal-UE b’mod adegwat. Għalhekk ikun xieraq li l-ippjanar tal-interazzjoni bejn l-istrumenti differenti jkun inkluż ukoll fost l-għanijiet tal-pjan il-ġdid għall-perjodu ta’ wara l-2020.

2.2.9.

Jeħtieġ li l-11-il objettiv tematiku tal-qafas finanzjarju pluriennali li jirregolaw il-FSIE kif ukoll l-10 objettivi prinċipali tal-pjan Juncker, li ftit li xejn jikkorroboraw mal-objettivi msemmija qabel, u r-regoli finanzjarji u regolamentarji rispettivi tagħhom issa jikkontribwixxu għat-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020. Ma’ dawn jiżdiedu s-17-il kriterju ta’ referenza tal-SDG fil-qasam tas-sostenibbiltà, determinanti għall-futur. Il-missjonijiet fil-qafas tal-proċessi ta’ programmazzjoni għall-perjodu ta’ wara l-2020 għandhom jibbażaw fuq numru mnaqqas ta’ objettivi ċari u konċiżi.

2.2.10.

Bħalissa, il-mekkaniżmi differenti assoċjati mal-objettivi, l-iskadenzi u d-dati ta’ bidu u ta’ tmien differenti għad għandhom bħala konsegwenza li l-ebda objettiv mhuwa trasparenti u li lanqas ma jista’ jiġi inkluż u mmonitorjat faċilment mill-ambjenti ekonomiċi u soċjali u mis-soċjetà ċivili. In-nuqqas ta’ sinerġiji jew ta’ interazzjonijiet bejn l-objettivi differenti jnaqqas b’mod konsiderevoli l-effettività tal-istrumenti u tal-investimenti. Jeħtieġ li jiġu żviluppati sinerġiji bejn il-FSEI u l-istrateġija “Ewropa 2020” mġedda bit-tfassil ta’ strateġija ġdida għall-UE 2030-2050 (proġett għall-Ewropa).

2.2.11.

Filwaqt li l-Fondi Strutturali huma akkumpanjati minn mekkaniżmi ta’ tħejjija, eżekuzzjoni, kontroll u analiżi burokratiċi ħafna, kemm ċentralizzati kif ukoll deċentralizzati, u billi fil-livell tal-Unjoni jeżistu numru kbir ta’ aġenziji għall-iżgurar tal-implimentazzjoni tagħhom, il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ governanza tal-FEIS reċenti li joħroġ mill-qafas tal-Kummissjoni Ewropea u l-istruttura organizzattiva l-ġdida tiegħu jibbaża fuq il-ħtiġijiet marbuta mal-klima finanzjarja u ta’ investiment. Il-koordinazzjoni taż-żewġ settijiet kbar timplika l-implimentazzjoni ta’ strument strateġiku u ta’ sistema ġdida ta’ governanza (2).

2.2.12.

L-implimentazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ governanza orjentata lejn l-iżvilupp tista’ twassal għal koordinazzjoni msaħħa u kooperazzjoni miftuħa bejn l-imsieħba ikkonċernati.

2.2.13.

Biex tittejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-Fondi SEI, jeħtieġ li tissaħħaħ l-istruttura istituzzjonali tas-sħubija u dawn jiġu estiżi, skont id-dritt ta’ parteċipazzjoni pubblika, għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Iċ-ċittadini fil-fatt għandhom jiġu garantiti l-possibbiltà li jaċċessaw informazzjoni rilevanti u li jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet ta’ ppjanar u ta’ implimentazzjoni. Għandhom ikunu jistgħu wkoll jagħtu l-opinjoni tagħhom fir-rigward tal-proġetti dwar programmi, sejħiet għal offerti u rapporti ta’ evalwazzjoni.

3.   It-tisħiħ tas-sħubija

3.1.

Il-KESE diġà indirizza l-kwistjoni tal-prinċipju tas-sħubija u għamel proposti dettaljati f’dan ir-rigward f’għadd ta’ opinjonijiet.

3.1.1.

Fl-opinjoni li adotta fl-2010 (3), il-KESE enfasizza li r-regolamenti fis-seħħ kienu jħallu marġini ta’ interpretazzjoni wiesgħa wisq tal-kunċett tas-sħubija fil-livell nazzjonali, u li l-Kummissjoni Ewropea għandha għalhekk ikollha rwol aktar b’saħħtu u ħafna aktar proattiv bħala l-għassiesa tal-prinċipju tas-sħubija. Huwa qies essenzjali li l-programmi operattivi kollha jiggarantixxu lill-imsieħba r-riżorsi meħtieġa ta’ assistenza teknika għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom. Huwa sejjaħ għal ritorn għal programmi ta’ inizjattiva Komunitarja għall-innovazzjoni soċjali u l-iżvilupp lokali.

3.1.2.

Fl-opinjoni tiegħu tal-2012 (4), il-KESE appoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex tintroduċi kodiċi ta’ kondotta Ewropew dwar is-sħubija. Huwa esprima wkoll it-tħassib tas-soċjetà ċivili organizzata marbut mal-ksur tal-prinċipju tas-sħubija u ssuġġerixxa li tiġi stabbilita sistema ta’ kontroll tas-sħubija ġestita mill-imsieħba nnifisihom. Huwa ppropona li l-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ sħubija mal-Istati Membri tkun soġġetta għall-implimentazzjoni xierqa tal-Kodiċi ta’ Kondotta u li għal dan l-għan jiġu allokati r-riżorsi tal-programmi operattivi permezz ta’ inċentivi finanzjarji. Huwa kkonferma wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-imsieħba.

3.2.

Il-leġislazzjoni dwar il-politika ta’ koeżjoni tipprevedi l-istabbiliment ta’ kodiċi msejjaħ “Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar Sħubija” (KKES), li fih prinċipji gwida u l-aħjar prattiki.

3.3.

Mill-esperjenzi miksuba fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-KKES jirriżulta li ċerti pajjiżi sempliċiment applikaw b’mod strett id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi fil-kuntest tal-proċessi nazzjonali ta’ programmazzjoni u tat-trasformazzjoni tal-istruttura istituzzjonali tal-implimentazzjoni tal-FSEI.

3.4.

F’bosta pajjiżi l-imsieħba ma ngħatawx biżżejjed żmien biex jifformulaw opinjoni marbuta mad-dokumenti rilevanti. Dawn ma ġewx involuti biżżejjed fid-deċiżjonijiet strateġiċi ewlenin, bħal dawk dwar id-definizzjoni tal-prijoritajiet u l-allokazzjonijiet finanzjarji. L-ebda mekkaniżmu jew strument speċjali ta’ komunikazzjoni u parteċipazzjoni ma ġie stabbilit sabiex titrawwem il-parteċipazzjoni attiva.

3.5.

L-analiżi mwettqa minn diversi NGOs (5) uriet li, f’ċertu numru ta’ pajjiżi, ir-rekwiżiti dwar l-għażla tal-imsieħba imsejħa jagħmlu parti mill-kumitati ta’ monitoraġġ ġew rispettati b’mod strett, madankollu mingħajr ma ġew żgurati r-rappreżentattività u l-kopertura tematika fil-każijiet kollha. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u l-membri tal-kumitati ta’ monitoraġġ mhuwiex tajjeb kemm għandu jkun.

3.6.

Għalhekk, l-awtoritajiet responsabbli għall-kwistjonijiet orizzontali, bħal pereżempju il-Ministeri tal-ambjent, ma kisbux siġġu f’diversi kumitati ta’ monitoraġġ rilevanti. L-awtoritajiet ta’ ġestjoni ma jagħmlux sforz biex jassoċjaw lill-imsieħba tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw il-prinċipji orizzontali mal-ippjanar tas-sejħiet għal proġetti u l-evalwazzjoni tal-proposti.

3.7.

L-interventi li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet tal-imsieħba mhumiex biżżejjed f’ċerti pajjiżi. Fil-fatt, dawn fil-biċċa l-kbira huma limitati għat-taħriġ u r-rimborż ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar, filwaqt li diversi proposti tal-KKES, li jikkonċernaw pereżempju l-iżvilupp tan-netwerk u l-koordinazzjoni, jew anke l-kopertura tal-ispejjeż tal-esperti meħtieġa biex jiżguraw parteċipazzjoni effettiva tal-imsieħba, baqgħu injorati.

3.8.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri ma tawx biżżejjed attenzjoni għall-użu ta’ strumenti tal-metodu tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) fl-ewwel nofs tal-perjodu tal-baġit.

3.9.

Il-KESE jemmen li għandu jsir eżami ġenerali tal-prattiki ta’ sħubija. Dan l-eżami għandu jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ ppjanar u tal-istruttura istituzzjonali ta’ implimentazzjoni, u jevalwa sa fejn is-sistema regolatorja attwali hija kapaċi twassal għal sħubija effettiva. L-imsieħba għandhom ikunu involuti attivament fil-proċess ta’ evalwazzjoni.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-prinċipju tas-sħubija fl-implimentazzjoni tal-Fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni – elementi għal Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija” (ĠU C 44, 15.2.2013, p. 23).

(2)  Opinjoni tal-Kummissjoni għall-Politika ta’ Koeżjoni Territorjali u l-Baġit tal-UE tal-KtR dwar “is-semplifikazzjoni tal-FSIE mill-perspettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali”, relatur: is-Sur Osvald (CZ/PSE).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar it-tema: “Kif jistgħu jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, fuq il-bażi ta' prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-2013” (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 1).

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

(5)  L-analiżi mwettqa min-Netwerk CEE Bankwatch u SFteam for Sustainable Future.


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-drittijiet tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu”

[opinjoni fuq inizjattiva proprja]

(2016/C 487/02)

Relatur:

is-Sur Adam ROGALEWSKI

Data tad-deċiżjoni tal-Plenarja

21.1.2016

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

9.9.2016

Adottata fil-plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

168/2/6

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1.

Hemm bżonn titnieda diskussjoni dwar l-introduzzjoni ta’ definizzjoni komuni għall-professjoni tal-kura tas-saħħa “live-in” (xogħol ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu) fl-Ewropa, li tkun rikonoxxuta bħala forma ta’ għoti ta’ kura fid-dar. Id-definizzjoni ta’ kura tas-saħħa “live-in” għandha tkopri l-arranġamenti ta’ xogħol għal ħaddiema (impjegati jew jaħdmu għal rashom) li jgħixu f’residenzi privati fejn il-ħidma tagħhom tinvolvi prinċipalment l-għoti ta’ servizzi ta’ kura lil persuni aktar anzjani u b’diżabilità. Il-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa “live-in”, irrispettivament mill-istatus tagħhom bħala impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom, għandhom jiġu ttrattati bħala parti mis-sistema ta’ għoti ta’ kura fit-tul. L-introduzzjoni ta’ definizzjoni tax-xogħol komuni għandha l-għan li tirrikonoxxi l-eżistenza tal-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa “live-in” fis-suq tax-xogħol Ewropew u ttejjeb il-kwalità tas-servizzi li joffru.

1.2.

L-Eurostat għandha tiġbor data adatta dwar il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”, biex tinforma t-tfassil tal-politika.

1.3.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex twettaq riċerka dwar is-sitwazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema, inkluż in-numru, in-nazzjonalità, l-istatus tal-migrazzjoni, il-mobbiltà transkonfinali, l-inklużjoni effettiva fix-xogħol u l-protezzjoni soċjali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u dawk soċjali u l-kwalifiki, kif ukoll il-kontribut attwali u potenzjali tagħhom għall-ekonomiji Ewropej.

1.4.

Il-KESE jenfasizza li l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal ħaddiema oħra fil-qasam tal-kura. Dan ifisser li huma għandhom igawdu minn protezzjoni simili, bħal pereżempju limiti fuq il-ħinijiet tax-xogħol (inkluż stand-by) u protezzjoni kontra l-impjieg indipendenti fittizju. Il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” f’impjieg ma għandhomx jiġu esklużi mir-regolamenti relevanti tal-UE u tal-Istati Membri relatati mal-impjieg, inkluż, fost oħrajn: remunerazzjoni adatta, protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà, sigurtà soċjali u d-dritt ta’ libertà ta’ assoċjazzjoni u negozjar kollettiv.

1.5.

L-iskarsezzi fil-provvista tal-għoti ta’ kura fit-tul fl-Ewropa għandhom jiġu indirizzati b’mod pożittiv billi jiġu żgurati pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, jitreġġa’ lura n-nuqqas ta’ investiment, tiġi żgurata konformità mal-prinċipji ta’ moviment liberu, jitneħħew l-ostakli li jwaqqfu lill-ħaddiema milli jeżerċitaw id-drittijiet tax-xogħol tagħhom u jinħolqu mogħdijiet li jipprovdu l-aċċess għall-migranti biex ikollhom impjieg regolari.

1.6.

Il-KESE jistieden lill-Unjoni Ewropea biex taħdem mill-qrib mal-Istati Membri sabiex jikkoordinaw il-provvista u l-mobbiltà ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” bħala parti minn approċċ u b’hekk tittejjeb il-kapaċità kumplessiva tas-settur biex joffri kura ta’ kwalità. Il-miżuri speċifiċi għandhom jinkludu:

it-titjib tas-salvagwardji fid-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra Min Iħaddem (2009/52/KE) biex jipproteġu d-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema mingħajr dokumenti għall-ġlieda kontra l-impjieg irregolari; Id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-vittmi (2012/29/UE) għandha tiġi applikata b’mod rigoruż biex jiġi pprovdut appoġġ effettiv għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika li huma vittmi ta’ sfruttament, ikun xi jkun l-istatus ta’ migrazzjoni tagħhom;

l-aġġornament tad-Direttivi tal-UE relevanti kollha skont il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 189 li tipprovdi drittijiet għal ħaddiema domestiċi;

l-inklużjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” u ta’ dawk li jirċievu l-kura tagħhom fir-reviżjonijiet jew il-proposti futuri ta’ leġislazzjoni Ewropea u tal-Istati Membri;

il-prijoritizzazzjoni tar-riforma tal-arranġamenti tal-kura “live-in” fil-Pjattaforma Ewropea kontra x-Xogħol mhux Iddikjarat, inizjattiva milqugħa mill-KESE;

l-inklużjoni d-drittijiet tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa fis-Semestru Ewropew u l-inklużjoni tagħhom fil-konsultazzjonijiet dwar “Bidu ġdid għal bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol”;

it-tnedija ta’ kampanja ta’ informazzjoni madwar l-Ewropa kollha dwar id-drittijiet tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” indirizzata lill-utenti u lil dawk li jipprovdu l-kura;

il-promozzjoni u l-appoġġ biex jitwaqqfu organizzazzjonijiet u kooperattivi ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”;

l-implimentazzjoni ta’ proċessi għar-rikonoxximent, l-armonizzazzjoni u t-trasferibbiltà tal-kwalifiki u l-esperjenza miksuba minn ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”, permezz ta’ strumenti għat-rikonoxximent tal-kwalifiki, inklużi dawk introdotti dan l-aħħar mill-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi (1);

l-allokazzjoni ta’ fondi Ewropej biex jiffinanzjaw korsijiet ta’ taħriġ għal ħaddiema tal-kura tas-saħħa attwali u potenzjali sabiex tittejjeb il-kwalità tal-kura;

il-monitoraġġ u t-titjib fl-istazzjonar tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” bl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali.

Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-proposta tal-Kummissjoni għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ma fiha ebda referenza għas-sitwazzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-kura tas-saħħa “live-in”. L-inklużjoni tad-drittijiet soċjali tagħhom għandhom tiġi kkunsidrata meta jkompli jitfassal il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li dwaru l-KESE qiegħed iħejji opinjoni.

1.7.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet ta’ dawk li jirċievu l-kura u tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, inklużi ħaddiema tal-kura “live-in” jkunu protetti. Il-miżuri speċifiċi għandhom jinkludu:

ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189 (2) u r-regolarizzazzjoni tal-istatus tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” li jaħdmu mingħajr dokumenti;

it-tnedija ta’ miżuri ta’ appoġġ, inkluż l-azzjoni ta’ intermedjarji biex jgħinu lil dawk li jirċievu l-kura biex isibu ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”;

l-istabbiliment ta’ sistema ta’ appoġġ komprensiv għal dawk li jirċievu l-kura u l-familji tagħhom, inkluż inċentivi fiskali jew sussidji;

il-provvediment ta’ programmi ta’ taħriġ għal ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”, li għandhom jibbenefikaw minn liv imħallas sabiex jattendu għat-taħriġ;

il-promozzjoni tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u negozjar kollettiv fis-settur, inkluż billi jingħata appoġġ għad-drittijiet ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” u tal-impjegaturi tagħhom biex jingħaqdu jew jiffurmaw assoċjazzjonijiet;

il-ġlieda kontra d-dumping soċjali u l-isfruttament;

ir-regolazzjoni proattiva tas-settur tal-kura fit-tul, speċjalment b’rabta mal-konformità ma’ liġijiet tal-impjieg, biex jiġi żgurat li dawk li jirċievu l-kura kif ukoll il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” jkunu protetti. Dan għandu jippermetti li l-ispettorati tax-xogħol u organizzazzjonijiet tal-istat u mhux governattivi relevanti oħrajn ikollhom aċċess għal postijiet tax-xogħol fid-djar privati.

1.8.

Il-KESE jenfasizza li l-appoġġ finanzjarju għal dawk li jirċievu l-kura u li jiddipendu minn ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” irid jintlaħaq permezz ta’ investiment pubbliku adegwat, fit-tul u sostenibbli.

1.9.

It-trejdjunjins, l-impjegaturi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu involuti fl-ippjanar tal-politika fil-livelli tal-Istati Membri u tal-UE. Id-djalogu soċjali u ċivili għandu jiġi promoss mal-partijiet interessati kollha fil-livelli kollha.

1.10.

Il-KESE għandu jaqdi rwol attiv fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ politiki Ewropej li għandhom l-għan li jappoġġjaw lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, dawk li jirċievu l-kura u l-familji tagħhom, billi, fost oħrajn, jorganizza konferenza dwar il-futur tax-xogħol tal-kura “live-in” fl-Ewropa.

2.   Kuntest

2.1.

L-iskarsezzi tas-suq tax-xogħol fis-settur tal-kura tas-saħħa huma bħal bomba li għad tisplodi. Hemm kriżi għaddejja bħalissa (3), u l-iskarsezzi tax-xogħol huma mistennija jiżdiedu jekk ma jiġux segwiti reazzjonijiet ta’ politika adegwati. Sa mill-1994, il-kura kienet ġiet definita bħala settur strateġiku mill-Kummissjoni Ewropea. Fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea wissiet li se jinħoloq nuqqas ta’ żewġ miljun fil-provvista ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa sal-2020 jekk ma tkunx ittieħdet azzjoni urġenti biex tirrimedja n-nuqqas ta’ provvista ta’ aktar minn miljun ħaddiem fil-kura fit-tul (4).

2.2.

Il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” jirrappreżentaw sehem sinifikanti numerikament, iżda huma sezzjoni emarġinata fi ħdan il-forza tax-xogħol fil-qasam tal-kura fit-tul. Huma mobbli ferm u jinsabu fil-parti t’isfel tal-ġerarkija tax-xogħol fi ħdan is-settur. Il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”, spiss huma esklużi mill-ippjanar fis-settur tal-kura fit-tul fil-livelli Ewropej u tal-Istati Membri.

2.3.

In-numru eżatt ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” mhuwiex ċar minħabba nuqqas ta’ data; ta’ sikwit jiġu injorati fis-sistemi ta’ ġbir tad-data. Fil-kuntest ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa li ma tantx huma rikonoxxuti u remunerati, il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” għal wisq żmien baqgħu inviżibbli għal dawk li jfasslu l-politika.

2.4.

Il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” jinsabu fl-Istati Membri kollha. Ħafna huma migranti minn pajjiżi terzi filwaqt li oħrajn huma ċittadini Ewropej li jaħdmu f’pajjiżhom jew barra mill-pajjiż. Xi wħud jagħmlu xogħol irregolari bħala migranti mingħajr dokumenti, u xi wħud oħrajn isegwu migrazzjoni ċirkolari jew temporanja. Bosta jwettqu xogħolhom f’kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż impjieg indipendenti fittizju.

2.5.

Minħabba li attwalment m’hemm l-ebda definizzjoni għall-professjoni ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”, is-sitwazzjoni tagħhom titqies ekwivalenti għal dik ta’ ħaddiema domestiċi (5). Skont l-ILO, fil-pajjiżi industrijalizzati x-xogħol domestiku, inkluż ix-xogħol ta’ kura tas-saħħa, jirrappreżenta bejn 5 % u 9 % tal-impjieg kollu (6).

2.6.

Uħud mill-Istati Membri mxew ‘il quddiem bil-formalizzazzjoni u l-inklużjoni ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa migranti bla dokumenti, billi ffirmaw il-Konvenzjoni Nru 189 tal-ILO.

2.7.

Il-KESE diġà ta kontribut għat-tfassil ta’ politika dwar il-kura fit-tul permezz tat-tfassil ta’ opinjonijiet dwar id-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema domestiċi (7), dwar il-ħtieġa għal investiment soċjali (8) u dwar il-kura soċjali fit-tul u d-deistituzzjonalizzazzjoni (9). Din l-opinjoni tibni fuq dawn il-pożizzjonijiet, filwaqt li tiffoka fuq is-sitwazzjoni partikolari tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”.

3.   Nuqqas ta’ ħaddiema, awsterità, migrazzjoni u ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”

3.1.

Il-kura fid-dar qed tinfirex b’mod mgħaġġel, influwenzata minn preferenza dejjem akbar għall-kura fid-dar, l-ispejjeż eċċessivi ta’ kura fi djar residenzjali għal ħafna persuni u n-nuqqas ta’ investiment adegwat f’infrastruttura fis-settur tal-kura.

3.2.

Il-miżuri ta’ awsterità li ttieħdu f’ħafna Stati Membri naqqsu l-provvista diġà limitata ta’ infrastruttura u ta’ forza tax-xogħol tal-kura fit-tul. Il-KESE jemmen li l-investiment fil-kura fit-tul jeħtieġ li jintlaqa’ b’mod pożittiv bħala opportunità ekonomika, u bħala qasam ta’ prijorità għall-ħolqien tal-impjiegi, l-appoġġ soċjali għall-familji u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-investiment fis-settur itejjeb ir-rati ta’ parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol u jipprovdi mod kif tista’ tittaffa l-kriżi ekonomika (10).

3.3.

In-nuqqas ta’ ħaddiema huwa prevalenti fil-professjonijiet tal-kura f’ħafna Stati Membri. Ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”, kemm dawk regolari kif ukoll dawk mingħajr dokumenti, itaffi n-nuqqas. Fis-sistemi tal-kura fin-Nofsinhar tal-Ewropa, b’mod partikolari, hemm dipendenza kbira fuq ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”. Fl-Italja, ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” migranti jirrappreżentaw madwar tliet kwarti tal-forza tax-xogħol ta’ kura fid-dar (11).

3.4.

Il-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant huma affettwati wkoll minn nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tal-kura kif ukoll minn domanda dejjem tikber għall-kura fl-Ewropa tal-Punent. Pereżempju, il-Polonja tipprovdi ħafna ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” li jaħdmu f’pajjiżi oħra, minkejja li fil-pajjiż hemm nuqqas ta’ ħaddiema fil-qasam tal-kura domestika. Dawn l-iskarsezzi min-naħa tagħhom qed jiġu indirizzati bil-wasla fil-Polonja ta’ ħaddiema mill-Ukrajna u minn pajjiżi oħra barra mill-UE.

3.5.

Minkejja ż-żieda tal-għarfien dwar l-importanza tas-settur tal-kura għall-ġid ekonomiku, il-kontribut tal-ħidma tal-kura tas-saħħa “live-in” għall-ekonomija Ewropea mhuwiex imkejjel u għandu jiġi indirizzat permezz ta’ riċerka madwar l-Ewropa kollha.

3.6.

Ħafna nisa Ewropej huma maqbuda fl-hekk imsejħa pożizzjoni “sandwich”, fejn huma mistennija jieħdu ħsieb tal-ġenituri tagħhom kif ukoll ta’ wliedhom. Huma qegħdin jiddependu dejjem aktar mill-kura bi ħlas biex jagħmlu dan ix-xogħol. F’dinja fejn ix-xogħol tal-kura huwa globalizzat, il-konsegwenza hija żieda fil-ktajjen tal-kura globali (12). Ħaddiema tal-kura tas-saħħa migranti li jiċċaqilqu għal raġunijiet ta’ xogħol ta’ spiss iridu jfittxu persuni li jipprovdu kura għall-membri tal-familja tagħhom stess u jimpjegaw ħaddiema tal-kura tas-saħħa li joriġinaw minn kuntesti oħrajn, ta’ spiss ifqar.

4.   Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”

4.1.

L-istatus baxx tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” jirriżulta minn suppożizzjonijiet dwar il-ġeneru, jiġifieri li x-xogħol tal-kura tas-saħħa huwa xogħol bi ftit ħiliet u huwa “xogħol in-nisa”. Dan huwa sostnut ukoll mill-marġinalizzazzjoni strutturali tan-nisa migranti. F’ħafna stħarriġiet tax-xogħol, il-ħaddiema domestiċi huma kklassifikati bħala ħaddiema bi ftit ħiliet jew mingħajr kwalifiki. Madankollu, għadd sinifikanti ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” għandhom ħiliet u kwalifiki li jirriżultaw minn snin ta’ esperjenza jew minn programmi ta’ taħriġ jew ċertifikazzjoni formali li mhumiex rikonoxxuti. Il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” ħafna drabi jintalbu juru li għandhom esperjenza ta’ kura u kwalifiki qabel ma jiġu impjegati, għalkemm dan ma jiġix rifless fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

4.2.

Bosta ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” jesperjenzaw arranġamenti ta’ xogħol mhux regolati u bosta jaħdmu b’mod irregolari. Ħafna drabi dawn jiġu esklużi milli jeżerċitaw id-drittijiet tax-xogħol tagħhom u jiġu sfruttati. Il-kundizzjonijiet jistgħu jkunu simili għall-iskjavitù modern: il-ħaddiema jkunu iżolati, soġġetti għal vjolenza jew abbuż, imġiegħla jaħdmu 24/7 u ma jingħatawx kundizzjonijiet ta’ għajxien bażiku, bħal spazju personali privat. Oħrajn jaħdmu bħala persuni b’impjieg indipendenti fittizju. F’ħafna każijiet, l-ispettorati tax-xogħol u spettorati statali oħra, kif ukoll it-trejdjunjins, ma jingħatawx aċċess għall-ħaddiema li jagħtu l-kura fil-postijiet tax-xogħol tagħhom (jiġifieri fid-djar privati).

4.3.

Għandhom jiġu appoġġjati l-miżuri għar-regolarizzazzjoni u l-legalizzazzjoni tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” biex jiġu żgurati possibbiltajiet legali fis-settur tal-kura. Tali approċċ mhuwiex mingħajr preċedent: fi Spanja u l-Italja madwar 500 000 ħaddiema domestiċi mingħajr dokumenti ġew regolarizzati sa mill-2002 (13). Għandhom jiġu żviluppati politiki dwar il-migrazzjoni tax-xogħol li jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jaħdmu regolarment fis-settur tal-kura, bi trattament indaqs u d-dritt li jbiddlu lil min iħaddimhom.

4.4.

Ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” jirrappreżentaw waħda mis-sezzjonijiet mill-iżjed mobbli fi ħdan il-forza tax-xogħol fil-qasam tal-kura fit-tul. Persuni li jaħdmu fil-kura tas-saħħa mill-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant għandhom it-tendenza li jkunu nisa ta’ età medja bl-obbligi familjari oħrajn tagħhom (14). Hija ħaġa komuni li tali ħaddiema jaħdmu għal perjodi ta’ tliet xhur f’pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent u mbagħad jirritornaw lejn pajjiżhom.

4.5.

Għall-pajjiżi ta’ oriġini, il-migrazzjoni ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” ikkwalifikati lejn pajjiżi ospitanti tirrappreżenta eżodu ta’ forza tax-xogħol sinifikanti. Fejn il-kwalifiki tal-ħaddiema mhumiex rikonoxxuti fil-pajjiżi ospitanti, dan jikkostitwixxi telf soċjali u ekonomiku fi żmien ta’ skarsezza globali tal-forza tax-xogħol fis-setturi tal-kura tas-saħħa Ewropej u globali.

4.6.

Dawn il-kundizzjonijiet kollha jirriflettu l-fatt li d-drittijiet tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” mhumiex protetti b’mod adegwat taħt l-oqfsa legali eżistenti fil-livell Ewropew u f’dak tal-Istati Membri.

4.7.

Ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” għandhom jiġu inkoraġġuti u appoġġjati mill-Istati Membri sabiex jevitaw xogħol irregolari.

5.   Ir-rwol ta’ dawk li jirċievu l-kura u l-familji tagħhom

5.1.

Dawk li jirċievu l-kura u l-familji tagħhom jiffaċċjaw diffikultajiet biex isibu ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa jseħħ permezz ta’ netwerks informali ta’ qraba jew ħbieb. Ħafna drabi ftit hemm garanzija tal-kwalità tal-kura mogħtija minn dawk irreklutati taħt tali ċirkostanzi. Il-familji ta’ spiss iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjoni fejn m’hemmx linji gwida ċari dwar kif għandek timpjega legalment persuni li jagħtu l-kura.

5.2.

Dawk li jirċievu l-kura u l-familji tagħhom għandhom jirċievu l-appoġġ mill-istat. Fuq medda qasira ta’ żmien dan għandu jinkludi kampanja ta’ informazzjoni u appoġġ kontinwu fi kwistjonijiet rigward drittijiet tal-impjieg u tas-sigurtà soċjali ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”. Fuq medda twila ta’ żmien, l-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiżguraw is-superviżjoni u l-preżenza ta’ intermedjarju biex jgħin lil dawk li jirċievu l-kura jsibu ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”.

5.3.

Dawk li jirċievu l-kura u l-familji tagħhom għandhom jiġu pprovduti firxa ta’ servizzi ta’ appoġġ, skont il-ħtiġijiet tal-persuna u tal-familja, u dawn jistgħu jinkludu servizzi ta’ kura fid-dar fuq bażi part-time jew full-time. L-arranġamenti kollha ta’ kura għandhom jiżguraw kundizzjonijiet deċenti għal dawk impjegati jew li jaħdmu għal rashom.

5.4.

Dawk li jirċievu l-kura tas-saħħa u l-familji tagħhom għandhom jiġu mħeġġa wkoll biex ikunu aktar konxji tal-ħtiġijiet tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”, u jittrattawhom bħala ħaddiema li jistħoqqilhom rispett u drittijiet. Ix-xogħol fil-qasam tal-kura tas-saħħa huwa impenjattiv ħafna, kemm fiżikament kif ukoll emozzjonalment. Il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” għandhom jingħataw akkomodazzjoni adatta u spazju privat u, fil-każ ta’ ħaddiema li joffru kura tas-saħħa li huma impjegati għandhom jiġu rispettati l-limiti tad-disponibbiltà tagħhom.

5.5.

Fl-istess ħin, għandhom jiġu rispettati d-drittijiet ta’ dawk li jirċievu l-kura sabiex jingħataw kura adegwata. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward ta’ gruppi vulnerabbli u dawk bi bżonnijiet speċjali, bħal persuni bid-dimenzja.

6.   Ir-rwol tal-impjegaturi

6.1.

Għadd kbir ta’ intrapriżi żgħar inklużi aġenziji li jieħdu ħsieb il-kiri ta’ ħaddiema huma dejjem aktar attivi fis-settur tal-kura “live-in”, flimkien ma’ settur informali li mhuwiex regolat.

6.2.

Is-settur tal-kura jista’ jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ xogħol diċenti fi djar privati u għat-tkabbir fl-ekonomija Ewropea. Madankollu, huma biss impjiegi ta’ kwalità li jistgħu jiggarantixxu l-kwalità tas-servizz tal-kura pprovduta.

6.3.

In-nuqqas ta’ regolamentazzjoni dwar l-impjieg ta’ ħaddiema transkonfinali li jaħdmu fil-qasam tal-kura tas-saħħa “live-in”, jagħti ċ-ċans lil ċerti intrapriżi biex joffru prezzijiet orħos għall-istess xogħol, u dan jikkontribwixxi għad-dumping soċjali. Dan huwa partikolarment evidenti f’aġenziji Pollakki u Slovakki li jibagħtu ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” lejn l-Ewropa tal-Punent (15). Il-persistenza ta’ din is-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni inġusta hija ta’ ħsara għall-ħaddiema, l-impjegaturi kif ukoll għall-ekonomija Ewropea.

7.

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili

7.1.

Organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità, il-gruppi ta’ twemmin (16) flimkien ma’ impjegaturi fis-settur pubbliku u privat jaqdu rwol ċentrali fl-għoti ta’ kura f’diversi livelli. Ħafna organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità kkontribwew għar-regolarizzazzjoni tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” migranti (17).

7.2.

Madankollu, f’ħafna Stati Membri, l-appoġġ għall-kura mhuwiex adegwat. Il-kriżi ekonomika reċenti rriżultat f’investiment inqas milli meħtieġ fis-servizzi tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa, li jwassal għal xejriet negattivi bħal deterjorazzjoni tal-kwalità tal-kura u tal-kondizzjonijiet tax-xogħol.

7.3.

L-organizzazzjonijiet ta’ dawk li jipprovdu l-kura għandhom ikunu ffinanzjati b’mod adegwat biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tad-domanda dejjem tikber għal kura tas-saħħa. Fid-dawl tal-esperjenza tagħhom, dawn għandhom jiġu involuti fi djalogu soċjali u ċivili ġenwin li jwassal għal sett ta’ regolamenti tal-industrija dwar kif il-kura għandha tkun organizzata u kif għandha tingħata.

8.   Ir-rwol tal-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea

8.1.

L-Iżvezja hija eżempju tajjeb ta’ għoti ta’ kura ta’ kwalità, li tinvolvi lill-partijiet interessati kollha. Din is-sistema tiddependi minn livell għoli ta’ appoġġ pubbliku ffinanzjat mit-taxxi (18). Sistemi ta’ vawċers, bħal dawk implimentati fi Franza u l-Belġju, ikkontribwew sabiex ix-xogħol domestiku jiġi formalizzat, u f’xi każijiet, tejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fis-servizzi domestiċi. Fil-każ tal-Belġju, ix-xogħol tal-kura tas-saħħa huwa eskluż minn din is-sistema (19).

8.2.

L-Awstrija żviluppat sistema ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” li jaħdmu għal rashom sabiex tindirizza l-bżonnijiet għal kura fit-tul u tistabbilixxi r-rekwiżiti legali li għandhom x’jaqsmu ma’ kwalità u kundizzjonijiet ta’ qafas biex jingħata s-servizz. Fl-2015 sar titjib addizzjonali fl-istandards ta’ kwalità u fit-trasparenza. Is-sistema tintuża ħafna mill-popolazzjoni Awstrijaka; madankollu t-trejdjunjins Awstrijaċi jikkritikawha għax iddgħajjef l-istandards tal-impjieg.

8.3.

Peress li l-mudelli tal-aħjar prattika għall-għoti ta’ kura tas-saħħa ta’ kwalità mhux dejjem huma trasferibbli għal kollox lejn l-Istati Membri kollha, fil-livell Ewropew għandu jiġi kkoordinat approċċ olistiku fil-livelli kollha li jinkludi l-partijiet interessati kollha.

8.4.

Il-KESE jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha timmonitorja l-provvista u l-mobbiltà tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” fl-Ewropa, u tippromovi approċċi sabiex ittejjeb il-kapaċità kumplessiva tas-settur biex jipprovdi kura ta’ kwalità u jinħolqu impjiegi deċenti.

8.5.

In-nuqqas ta’ provvista tax-xogħol ta’ kura fl-Ewropa jeħtieġ li jitqiegħed fil-quċċata tal-aġenda politika tal-UE. Jeħtieġ li tinġibed l-attenzjoni dwar il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” li fil-biċċa l-kbira ma jiġux ikkunsidrati fil-bidliet radikali fil-politiki attwali.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2010) 682 final: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52010DC0682&from=MT

(2)  Il-Konvenzjoni Nru 189 tal-ILO daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ Settembru 2013, u s’issa ġiet irratifikata mill-Belġju, il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Irlanda, l-Italja, il-Portugall u l-Iżvizzera, flimkien ma’ 14-il pajjiż lil hinn mill-Ewropa.

(3)  UNI Europa UNICARE (2016).

(4)  Kummissjoni Ewropea (2013).

(5)  Ix-xogħol domestiku, kif definit mill-Eurostat, jinkludi attivitajiet ta’ unitajiet domestiċi bħala impjegaturi tal-persunal domestiku, bħal ngħidu aħna qaddejja, koki, wejters, valè, laundresses, ġardinara, purtinara, governanti, babysitters, tuturi, segretarji, eċċ.

(6)  Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (2012).

(7)  ĠU C 21, 21.1.2011, p. 39; ĠU C 12, 15.1.2015, p. 16; ĠU C 242, 23.7.2015, p. 9.

(8)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 91, ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21.

(9)  ĠU Ċ 332, 8.10.2015, p. 1.

(10)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21.

(11)  Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew (2016).

(12)  Hochschild, A. R. (2000) “Global Care Chains and Emotional Surplus Value” in Hutton, W. and Giddens, A. (eds) On The Edge: Living with Global Capitalism, London.

(13)  Pjattaforma għal Kooperazzjoni Internazzjonali dwar il-Migranti Mingħajr Dokumenti (2013).

(14)  Testimonjanza ta' ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”, Alina Badowska (2016), fis-seduta pubblika tad-dossier SOC/535.

(15)  Esperjenzi mill-Proġett “DGB Fair Mobility”: www.faire-mobilitaet.de.

(16)  B’mod partikolari, fil-Ġermanja, CaritasDiakonie għandhom rwol importanti fl-appoġġ ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” u ta’ dawk li jirċievu l-kura.

(17)  Pereżempju: www.gfambh.com.

(18)  Sweden.se (2016).

(19)  Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (2013).


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika tal-UE dwar il-bijodiversità”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 487/03)

Relatur:

is-Sur Lutz RIBBE

Data tad-deċiżjoni tal-Plenarja

21.1.2016

Bażi legali

Ir-regola 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

5.9.2016

Adottata fil-plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

156/31/22

1.   Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE

1.1

Il-Politika tal-UE dwar il-bijodiversità hija eżempju klassiku ta’ politika ta’ wegħdiet miksura fil-livell Ewropew u nazzjonali; u dan, minkejja li l-politika identifikat jew stabbilixxiet sew kemm il-problemi kif ukoll l-istrumenti meħtieġa.

1.2

Il-KESE jenfasizza d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-importanza tal-ħarsien tal-bijodiversità, li hija simili għall-ħarsien tal-klima. Din mhijiex biss kwistjoni dwar il-preservazzjoni tal-ispeċi tal-annimali u tal-fawna u l-flora, iżda wkoll tal-għajxien tal-umanità

1.3

Il-KESE jitlob li jkun hemm implimentazzjoni konsistenti u f’waqtha tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats. Barra minn hekk l-implimentazzjoni konsistenti u rapida tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, fil-fehma tal-KESE, tkun kontribut sinifikanti lejn ħarsien aħjar tal-bijodiversità.

1.4

L-Istati Membri għandhom finalment jindirizzaw il-ħtiġijiet finanzjarji speċifiċi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE u l-Kummissjoni għandha tipprovdi l-flus meħtieġa. Il-finanzjament tan-Natura 2000 permezz tal-fondi Komunitarji u qabel kollox il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jistgħu jitqiesu ġeneralment bħala falliment, u għalhekk il-KESE jitlob għall-istabbiliment ta’ intestatura baġitarja awtonoma għall-finanzjament tan-Netwerk Natura 2000.

1.5

Il-KESE jappella għall-iżgurar tal-koerenza bejn il-politiki kollha li għandhom impatt fuq il-bijodiversità. F’dan il-kuntest, il-KESE jittama li r-rieżami ta’ nofs it-term ta’ “erjas b’fokus ekoloġiku”, u rieżami possibbli ta’ nofs it-term tal-PAK, diġà qed jintużaw sabiex jiġi żgurat li l-PAK fil-futur tintuża b’mod iżjed immirat sabiex jintlaħqu l-għanijiet dwar il-bijodiversità. Fil-fehma tal-KESE, attwalment dan jeħtieġ bidla fl-erjas b'fokus ekoloġiku f'termini tal-ambitu u l-kwalità tagħhom.

1.6

It-tisħiħ tal-infrastruttura ekoloġika huwa milqugħ b'mod espliċitu. F'dan il-kuntest, il-KESE jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġija koerenti ta’ infrastruttura ekoloġika. L-UE għandha wkoll tagħmel in-netwerks trans-Ewropej għall-infrastruttura ekoloġika (TEN-G) investiment prijoritarju. Hawnhekk ukoll hemm ħtieġa urġenti għal aktar allokazzjoni ta’ riżorsi.

1.7

Għalkemm diversi dipartimenti tal-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Ambjent, il-Parlament Ewropew, il-KtR u l-KESE diversi drabi f’dawn l-aħħar snin innotaw u kkritikaw l-inkoerenzi tal-politiki tal-UE, sostanzjalment ma nbidel xejn fis-snin riċenti. Madankollu, jekk il-proposti tal-UE għal soluzzjonijiet dwar il-problemi tal-bijodiversità ma jittiħdux bis-serjetà u ma jiġux implimentati, xejn ma tkun sorpriża jekk a) ir-riżultati mixtieqa ma jintlaħqux u b) jinxtered id-diżappunt fost il-partijiet interessati u s-soċjetà.

1.8

Jekk wieħed iħares lura, id-diversi strateġiji għall-bijodiversità jew il-pjani ta’ azzjoni dwar il-bijodiversità tal-UE tas-snin 1998, 2001, 2006 u 2010, li kollha kemm huma ddeskrivew il-problemi b’mod preċiż u stabbilixxew strumenti adatti, għandhom għalhekk jitqiesu fil-parti l-kbira inutli minħabba li dawn ma kinux kapaċi jwettqu l-wegħdiet politiċi u jwaqqfu l-ħsara kkawżata mit-telf tal-bijodiversità.

1.9

Għalhekk il-KESE jtenni mill-ġdid – kif semma f’għadd kbir ta’ opinjonijiet preċedenti – li hija r-rieda politika li hi nieqsa u mhux il-bażi legali. Ma hemmx bżonn ta' modifika tal-bażi legali eżistenti.

2.   Sfond: Kronoloġija tal-politika tal-UE dwar il-bijodiversità – u r-reazzjonijiet tal-KESE

2.1

Wara li fl-Istrateġija għall-Bijodiversità (1) adottata fl-1998, ġie nnutat li “l-bijodiversità għanja tal-Unjoni Ewropea naqset matul is-sekli, minħabba l-impatt tal-attivitajiet tal-bniedem, u f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin dan l-impatt kien aċċellerat b’mod drammatiku”, fl-2001, il-Kunsill Ewropew, fl-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli (l-Aġenda ta’ Göteborg), stabbilixxa miri ċari f’termini ta’ bijodiversità, jiġifieri li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità fl-UE sal-2010 u li jkun żgurat li terġa' tingħata l-ħajja lill-ħabitats u lill-ekosistemi naturali.

2.2

Sar Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijodiversità fl-2001 (2) biex jimplimenta dawn il-miri, u mbagħad Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijodiversità ieħor f’Mejju 2006 (3); madankollu bilkemm kien fih differenza meta mqabbel ma’ ta’ qabel f'termini ta’ kontenut.

2.3

F’Marzu 2010, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tal-UE kellhom jammettu li mhux se jilħqu l-miri li għamlu fl-2001, minkejja l-pjani ta’ azzjoni diversi li l-KESE kien ivvaluta bħala xierqa u kostruttivi.

2.4

Konsegwentement, abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Alternattivi għal viżjoni Ewropea u mira għall-bijodiversità wara l-2010” (4), ġiet adottata “Strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020” (5) oħra, li, min-naħa tagħha, essenzjalment reġgħet saħqet fuq ir-rakkomandazzjonijiet u l-istrumenti tal-pjani ta’ azzjoni preċedenti u ressqet sas-sena 2020 il-mira li oriġinarjament kienet għas-sena 2010.

2.5

F'dan il-dokument kien tħabbar b’ottimiżmu li “l-istrateġija għall-bijodiversità tal-UE 2020 twieġeb… u … tqiegħed l-UE fit-triq it-tajba sabiex tilħaq il-miri tagħha stess għall-bijodiversità u l-impenji li ħadet fuq livell dinji”.

2.6

Il-Kumitat esprima (6) l-fehmiet tiegħu u wera t-tħassib serju tiegħu dwar li “il-qasam politiku għadu ma sabx is-saħħa u r-rieda biex iwettaq il-miżuri li ilhom magħrufa bħala miżuri neċessarji snin sħaħ, għalkemm il-Komunikazzjoni tagħmilha ċara għal darb’oħra li kemm is-soċjetà kif ukoll l-ekonomija jistgħu jibbenefikaw bl-istess mod minn politika tal-bijodiversità stretta. Lanqas id-direttivi ċentrali tal-UE dwar il-ħarsien tan-natura għadhom ma ġew implimentati – b’mod sħiħ fl-Istati Membri – 19-il sena jew saħansitra 32 sena wara li daħlu fis-seħħ rispettivament.”

2.7

Il-KESE semma mbagħad kif “għadu mhux ċar kif tista’ tingħeleb il-problema tan-nuqqas ta’ rieda politika. F’dan il-kuntest, l-istrateġija għall-bijodiversità analizzata hawnhekk ma tirrappreżenta l-ebda progress ġenwin. Id-dibattiti li saru s’issa fil-Kunsill tal-Ministri dwar din il-Komunikazzjoni juru li għadna ’l bogħod mill-integrazzjoni tal-politika tal-bijodiversità f’oqsma oħra ta’ politika.”

2.8

Diġà dak iż-żmien il-Kumitat kien tal-fehma li huwa importanti immens li fil-proċessi ta’ riformi politiċi imminenti (pereżempju rigward il-politika tas-sajd, tal-agrikoltura, tat-trasport, tal-enerġija u tal-koeżjoni) tinħoloq rabta mill-qrib mal-istrateġija għall-bijodiversità. Il-Kumitat innota li għad hemm nuqqasijiet maġġuri f’dan il-qasam u għalhekk ikkonkluda li, “il-Kummissjoni (trid) tieħu l-istrateġija għall-bijodiversità tagħha stess b’aktar serjetà!”.

2.9

L-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-bijodiversità li ddikjarat li sabet it-triq it-tajba sabiex twaqqaf it-telf tal-bijodiversità, wara biss erba’ snin diġà tilfet il-kredibbiltà. Dan jdher ċar fir-rieżami ta’ nofs it-term tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità (7).

3.   L-evalwazzjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija għall-Bijodiversità attwali

3.1

L-istrateġija tinkludi fiha total ta’ 6 objettivi speċifiċi definiti b’mod ċar u total ta’ 20 azzjoni. Ir-rieżami ta’ nofs it-term tikkummenta dwar il-miri kif ġej:

3.1.1

Mira Nru 1: (“It-twaqqif tad-deterjorament fl-istat tal-ispeċijiet u l-ħabitats kollha koperti mil-leġislazzjoni tal-UE dwar in-natura, u t-titjib sinifikanti u li jista' jiġi kkalkulat fl-istat tagħhom …”) li, minkejja li sar xi progress, dan miexi bil-mod wisq biex tintlaħaq il-mira. B’mod partikolari, għad hemm nuqqas ta’ progress fit-tlestija tan-netwerk Natura 2000 fiż-żoni marittimi, fl-iżgurar tal-ġestjoni effettiva tas-siti Natura 2000, u fl-iżgurar tal-finanzjament meħtieġ biex ikun appoġġjat in-netwerk Natura 2000. U anke jekk issa n-netwerk Natura 2000 huwa “essenzjalment” komplut, fl-2012, kienu jeżistu pjani ta’ ġestjoni għal 58 % biss tas-siti Natura 2000, jew dawn il-pjani ta’ żvilupp kienu għadhom qed jitfasslu.

3.1.2

Mira Nru 2: (“Sal-2020, l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom jinżammu u jitjiebu billi tiġi stabbilita infrastruttura ekoloġika u billi jiġu rrestawrati mill-inqas 15 % tal-ekosistemi degradati”), fejn il-miżuri li ttieħdu sa issa “għadhom ma waqqfux ix-xejra ta’ degradazzjoni tal-ekosistemi u tas-servizzi”.

3.1.3

Mira Nru 3: (“Żieda tal-kontribut tal-Agrikoltura u l-Forestrija għaż-żamma u t-titjib tal-bijodiversità”), ma kienx hemm progress sinifikanti u barra minn hekk “it-tnaqqis kontinwu tal-istat tal-ispeċijiet u tal-ħabitats ta’ importanza tal-Ewropa flimkien mal-biedja jindikaw li jeħtieġ li jsiru iżjed sforzi għall-konservazzjoni u għat-titjib tal-bijodiversità f’dawn iż-żoni. Il-politika agrikola komuni (PAK) għandha rwol essenzjali x’taqdi f’dan il-proċess f’interazzjoni mal-politiki ambjentali rilevanti.” Għalkemm issa hemm numru ta’ strumenti, l-Istati Membri jeħtieġ li jużawhom “fuq skala suffiċjenti”. Huwa biss meta dawn “jiġu implimentati b’mod usa’'”, li l-UE tista’ tilħaq il-miri tagħha sal-2020. B’mod ġenerali, “hemm bżonn ta' sforzi ħafna ikbar”.

3.1.4

Mira Nru 4 (“Garanzija ta’ użu sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd”), filwaqt li “sar progress sinifikanti fit-twaqqif ta’ qafas ta’ politika għas-sajd sostenibbli” … “l-implimentazzjoni tal-politiki ma kinitx uniformi madwar l-UE u għad fadal sfidi kbar biex jiġi żgurat li l-għanijiet jinkisbu fiż-żmien stipulat. Ftit iktar minn 50 % tal-istokkijiet ivvalutati għall-MSY ġew mistada b’mod sostenibbli fl-2013.” Fl-ibħra Ewropej kollha(!) għad hemm xejriet negattivi.

3.1.5

Mira Nru 5 (“Il-ġlieda kontra speċijiet eżotiċi invażivi”), dan huwa l-uniku għan, li għalih l-UE hija “fit-triq it-tajba”, u huwa mistenni li sal-2020, il-mira tintlaħaq.

3.1.6

Mira Nru 6, (“Għajnuna biex jiġi evitat it-telfien globali tal-bijodiversità”) fejn “madankollu, il-progress mhuwiex biżżejjed biex jitnaqqsu l-impatti tat-tendenzi tal-konsum fl-UE fuq il-bijodiversità globali” u “l-isforzi eżistenti jistgħu ma jkunux biżżejjed sabiex jintlaħqu l-Miri ta’ Aichi għall-Bijodiversità sad-dati ta’ skadenza”.

3.2

Din ir-rieżami ta’ nofs it-term, li waslet għal konklużjonijiet inkwetanti, saret fil-mument meta l-Kummissjoni Ewropea kienet qed tikkunsidra r-rieżami tal-aktar direttivi importanti tal-UE dwar il-ħarsien tan-natura, jiġifieri d-Direttiva dwar l-Għasafar tal-1979 u d-Direttiva dwar il-ħabitats, il-flora u l-fawna tal-1992.

3.3

Ir-rapporti tal-esperti (8) li jakkumpanjaw il-kontroll tal-idoneità tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats jikkonfermaw dak li l-KESE ilu jtenni matul is-snin: li l-qasam legali huwa adegwat u li mhuwiex minħabba dan li l-miri tal-ħarsien tal-bijodiversità ma ntlaħqux. Dgħufija ewlenija hija n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-miżuri, in-nuqqas ta’ baġit għall-ħarsien tan-natura u l-inkonsistenza tal-politika tal-UE.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jtenni d-dikjarazzjonijiet tiegħu li fl-UE “rigward il-preservazzjoni tal-bijodiversità, m’hemmx nuqqas ta’ liġijiet, direttivi, programmi, proġetti mudell, dikjarazzjonijiet politiċi jew dokumenti gwida, iżda aħna neqsin mill-implimentazzjoni u l-azzjonijiet konġunti fil-livelli kollha tal-azzjoni politika”. Din il-fehma hija kkonfermata mhux biss mill-istudju ta’ valutazzjoni, iżda wkoll mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ambjent tas-16 ta’ Diċembru 2015 (9), li ma kinux wisq differenti minn dawk tal-Kunsill tal-Ambjent tal-2011. Sakemm id-Direttivi ma jkunux implimentati bis-sħiħ, sakemm ma jkunux disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji, u sakemm politiki oħrajn tal-UE ma jkunux indirizzati lejn il-ħtiġijiet tal-bijodiversità b’mod konsistenti, ma jkunux jistgħu jinkisbu r-riżultati mixtieqa.

4.2

Dan ma jinbidilx bi strateġiji, jew pjani ta’ azzjoni ġodda u/jew rieżami tal-qafas legali, anzi b'dawn tidher li għaddejja attività politika, iżda li ma twassal għal imkien sakemm ma jissolvewx il-problemi ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni.

4.3

Sabiex ikun hemm suċċess fiż-żamma tal-bijodiversità hemm bżonn ta' diversi approċċi.

4.4    L-istabbiliment tan-netwerk Natura 2000

4.4.1

In-netwerk Natura 2000 huwa assolutament kruċjali għall-konservazzjoni tan-natura “tradizzjonali”, bħall-preservazzjoni ta’ fawna u flora rari u bijotopi uniċi (bħal art moxa, art bl-arbuxelli, fdalijiet ta’ formazzjonijiet ta’ foresti seminaturali). Din hija bbażata primarjament fuq id-Direttiva dwar il-Ħabitats, adottata fl-1992 u d-Direttiva dwar l-Għasafar, adottata fl-1979, li stabbilixxiet żoni ta’ ħarsien speċjali għall-għasafar.

4.4.2

Bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għamlu żewġ wegħdiet:

minn naħa, l-istabbiliment tan-netwerk Natura 2000 u t-tlestija tiegħu fi żmien 3 snin (10); u

min-naħa l-oħra, l-allokazzjoni ta’ fondi biex jiġi żgurat li l-piż finanzjarju ma jaqax fuq is-sidien jew l-utenti tal-art.

4.4.3

In-Netwerk, għalhekk, kellu jitlesta fl-1995, aktar minn 20 sena ilu. Għalkemm tlestiet l-għażla tal-parti l-kbira tas-siti Natura-2000, u dawn jirrappreżentaw 18 % tal-art agrikola tal-Istati tal-UE, l-għażla biss mhijiex biżżejjed. Għal ħafna siti m’hemmx garanzija ġuridika permanenti u għal ftit aktar minn nofs is-siti biss hemm pjani ta’ ġestjoni. Madankollu, sakemm ma jkunx ċar għaċ-ċittadini u għall-amministrazzjonijiet, b’mod partikolari s-sidien tal-artijiet u l-utenti tal-artijiet, x’inhu permess jew ipprojbit, ma jistax ikun hemm ħarsien tan-natura effikaċi u lanqas jista’ jingħata kumpens għal restrizzjonijiet possibbli fuq l-użu tal-art.

4.4.4

Huwa sinifikanti li l-Kunsill tal-Ambjent tad-19 ta’ Diċembru 2011 inkoraġġixxa lill-Istati Membri nfushom, u għalhekk lilu nnifsu, biex “ilestu, f'waqtu, l-istabbiliment tan-netwerk Natura 2000, jiżviluppaw u jimplimentaw pjani jew strumenti ekwivalenti oħrajn li jistabbilixxu objettivi ta' konservazzjoni … b'hekk jistabbilixxu bażi soda għall-ippjanar strateġiku bil-ħsieb tal-implimentazzjoni sussegwenti tal-MFF 2014-2020”. Dak li kellu jkun lest 20 snin ilu, fl-2011 reġa' intalab “b’urġenza” u s’issa għadu mhux lest!

4.4.5

Għaldaqstant il-Kunsill tal-Ambjent tas-16 ta’ Diċembru 2015 reġa' talab lill-Istati Membri – u għalhekk lilu nnifsu – din id-darba “b'fermezza” – li “jitlesta n-netwerk Natura 2000”.

4.5    Azzjonijiet barra miż-żoni protetti

4.5.1

Il-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Ambjent, kif ukoll il-Parlament Ewropew (11) ġustament jenfasizzaw li l-bijodiversità mhix biss kwistjoni ta’ ħarsien tal-ispeċijiet ta’ annimali u pjanti u tal-ħabitats, iżda tkopri wkoll il-produzzjoni u l-għajxien tan-nies. Wieħed mill-ħafna eżempji huwa t-tidkir mill-insetti bħan-naħal, u l-friefet, li l-valur ekonomiku tiegħu, mhux biss għall-agrikoltura, ma jistax jitkejjel. Madankollu, il-Kummissjoni sabet li “l-ekosistemi … ma għadhomx kapaċi jagħtu servizzi bażiċi tal-aħjar kwalità u kwantità bħal dakkir tal-uċuħ tar-raba’, arja nadifa u ilma…” (12).

4.5.2

Il-konservazzjoni (tal-prestazzjoni) tad-dakkara jew tal-aġenti responsabbli mid-dekompożizzjoni, pereżempju, iżda wkoll ta’ bosta speċijiet oħra, ma tistax issir biss sempliċiment bl-għażla ta’ żoni protetti. Għaldaqstant, il-politika tal-UE dwar il-bijodiversità għandha tistabbilixxi wkoll rekwiżiti ġenerali – kif ukoll għal siti protetti – f’dan il-kuntest, il-koerenza mal-politika dwar l-użu tal-art hija essenzjali.

4.5.3

Huwa korrett li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill ikomplu jenfasizzaw is-sinifikat tas-settur agrikolu pereżempju, l-aktar recenti fir-rieżami ta’ nofs it-terminu: il-Kunsill “jinnota bi tħassib li l-agrikoltura hija waħda mill-iktar pressjonijiet importanti fuq l-ekosistemi terrestri u li sal-2012 ma kien hemm l-ebda titjib li jista’ jitkejjel fl-istatus tal-ħabitats relatati mal-agrikoltura u l-ispeċijiet koperti mid-Direttiva dwar il-Ħabitats u jiddispjaċih għat-tnaqqis sinifikanti tal-għasafar tal-art agrikola, il-friefet tal-bur u s-servizzi tad-dakkir, li jenfasizzaw il-pressjonijiet kontinwi minn ċerti prattiki agrikoli, bħal xi modalitajiet ta' abbandun u intensifikazzjoni ta’ art agrikola” (13).

4.6    Nuqqas ta’ konsistenza tal-politiki Ewropej

4.6.1

L-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 enfasizzat li din kienet “parti integrali tal-istrateġija Ewropa 2020” (14), madankollu, it-termini “bijodiversità”, “ħabitats”, “ħarsien tal-ambjent naturali”, “ħarsien tal-ispeċijiet” u “ħarsien tad-diversità tar-riżorsi ġenetiċi” jew “ekosistema” lanqas darba ma jidhru fl-Istrateġija Ewropa 2020. It-terminu “bijodiversità” biss huwa msemmi fil-qosor darbtejn, u jissemma malajr, taħt it-tema “Effiċjenza fl-użu tar-riżorsi”. Għaldaqstant, il-KESE ma jistax jifhem kif il-Kummissjoni Ewropea waslet biex tagħmel din l-affermazzjoni; il-politika reali tagħha turi l-kuntrarju.

4.6.2

Proprju l-istrateġija Ewropa 2020 kellha tirrapreżenta l-qafas ġust biex tindirizza l-problema, wara li l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE tal-2001 saret irrelevanti f'dan il-qasam. Il-KESE kemm-il darba talab lill-Ministri tal-Ekonomija u l-Finanzi jirriflettu dwar ir-rilevanza ekonomika tal-bijodiversità (15). Dan għadhom m’għamluhx.

4.6.3

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttivi dwar il-ħarsien tan-natura u dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità relatati mal-għanijiet li ġew miftiehma fil-livell internazzjonali (eż. il-miri ta’ Aichi skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs)), huwa vitali li l-politika dwar il-bijodiversità tkun integrata b’mod sħiħ fl-istrateġija tal-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, jew fi strateġija Ewropea ġdida għall-iżvilupp sostenibbli.

4.6.4

S’issa, madankollu, bosta servizzi tal-Kummissjoni u xi Kunsilli tal-Ministri tal-UE għadhom qegħdin jikkunsidraw il-qasam ta’ politika dwar il-bijodiversità bħala kompetitur, li jxekkel l-iżvilupp ekonomiku, u wkoll parzjalment jimblokka l-fondi.

4.6.5

Ma jistax ikun miċħud: Hemm kunflitti bejn l-użu tar-riżorsi differenti, u xi kultant jiġu evitati interventi fuq l-ambjent naturali, anke permezz tad-Direttivi dwar il-ħarsien tan-natura. Madankollu, dan huwa preċiżament il-kompitu tal-ħarsien tan-natura, jiġifieri, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm bilanċ bejn l-isfruttament ekonomiku u l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali. Il-ħarsien tan-natura mhuwiex differenti minn oqsma politiċi oħrajn, meta “l-moviment liberu tal-forzi tas-suq” jiġi regolat permezz ta' miżuri regolatorji.

4.6.6

In-nuqqas ta’ konsistenza bejn il-politiki ambjentali u ekonomiċi klassiċi mhijiex xi ħaġa ġdida. Lura fl-2006, il-KESE diġà “… kien ilmenta dwar in-nuqqasijiet kbar bejn l-ideali u r-realtà” u d-“deċiżjonijiet tal-ippjanar u l-iskemi ta' appoġġ pubbliċi ħafna drabi jikkontribwixxu biex ikomplu jipperikolaw il-bijodiversità.” (16).

4.6.7

Is-sors ewlieni ta’ dan il-kunflitt huwa l-kontradizzjoni bejn l-infurzar ta’ interessi personali, b’mod partikolari interessi ekonomiċi, u l-interess pubbliku. Id-dikjarazzjonijiet tal-UE dwar il-ħarsien tal-bijodiversità s’issa għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jridu jkunu ta’ interess ġenerali. Għalhekk, loġikament, l-UE għandha tpoġġi salvagwardji ċari biex jillimitaw tali interessi ekonomiċi li jmorru kontra d-definizzjoni tal-ħarsien tal-bijodiversità u jinfurzaw il-konformità magħhom.

4.7    Il-politika agrikola/l-agrikoltura

4.7.1

Il-KESE diġà analizza r-relazzjoni bejn l-agrikoltura, il-politika agrikola komuni u l-bijodiversità, u nnota telf gradwali iżda sostanzjali u sostnut tal-bijodiversità, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-bdiewa jikkonformaw mal-liġijiet fis-seħħ. Għalhekk, huwa jagħmel dan skont il-liġijiet, billi jissodisfa ’l hekk imsejħa prattiki professjonali tajba. Dan il-fatt ma jistax jinbidel permezz tar-riforma tal-liġijiet relatata mal-ħarsien tan-natura, iżda biss permezz ta' bidliet fil-prattika tal-użu, flimkien ma' bidla fil-politika agrikola. F'dan il-kuntest, il-KESE jirreferi għall-opinjoni fuq inzjattiva proprja tiegħu “Riforma tal-Poltika Agrikola Komuni 2013” (17), li tagħti deskrizzjoni fid-dettall ta' liema bidliet il-Kumitat jemmen li huma meħtieġa.

4.7.2

Il-Kummissjoni hija konxja ħafna tal-importanza tal-agrikoltura u tinnota li “l-Politika Agrikola Komuni (PAK) hija l-għodda politika li għandha l-aktar impatti sinifikanti fuq il-bijodiversità fiż-żoni rurali. … Wieħed mill-ostakoli fir-rigward tal-bijodiversità kien l-abolizzjoni tat-twarrib obbligatorju.” (18). Il-politika agrikola spiss tibqa' kuntrarja għall-politika dwar il-bijodiversità, għalkemm partijiet tal-PAK, b'mod partikolari l-programmi agrikoli ambjentali tat-tieni pilastru, juru kif dawn il-kontradizzjonijiet jistgħu jiġu solvuti.

4.7.3

F’nofs is-snin 80 it-twarrib tal-art mill-produzzjoni ma ġiex implimentat sabiex tkun imtejba l-istabbiltà ekoloġika fil-pajsaġġ, iżda biex ikun hemm tnaqqis fl-eċċessi. Madankollu, permezz tar-riforma tal-PAK tal-2013, l-idea li partijiet mill-erjas agrikoli jiġu kkultivati ferm inqas reġgħet ġiet riveduta. Fil-kuntest tal-ekoloġizzazzjoni ddaħħlu “erjas b'fokus ekoloġiku” b'mod obbligatorju. Kien hemm dibattitu mqanqal dwar (a) l-ambitu u (b) d-definizzjoni tal-erjas b’fokus ekoloġiku.

4.7.4

Għalhekk, pereżempju, it-tkabbir ta’ uċuħ tar-raba’ bil-legumi jew l-għelejjel għall-bejgħ jitqiesu bħala “erjas b’fokus ekoloġiku”. Anke jekk iż-żieda fin-numru ta’ erjas li fuqhom jinżergħu l-legumi jew l-għelejjel għall-bejgħ għandha tintlaqa' b’mod pożittiv, dawn il-miżuri ma jikkontribwixxux għat-titjib tal-bijodiversità. Barra minn hekk, il-fatt li l-użu tal-pestiċidi f'żoni sensittivi huwa parzjalment permess f’erjas b’fokus ekoloġiku huwa l-kontra tal-intenzjoni tal-ekoloġizzazzjoni tal-politika agrikola: il-pestiċidi ma jwasslux għal żieda fil-bijodiversità, iżda għat-tnaqqis tagħha.

4.7.5

Il-Kummissjoni għandha, mill-aktar fis possibbli, tagħmel valutazzjoni inizjali tal-impatt tal-miżuri meħuda, peress li l-“ekoloġizzazzjoni” kienet waħda mill-ġustifikazzjonijiet ewlenin għall-kontinwazzjoni tal-pagamenti agrikoli mill-baġit tal-UE.

4.7.6

Barra minn hekk, u abbażi ta’ dawn is-suppożizzjonijiet, il-politiki trasversali tal-UE, b’mod partikolari dawk marbutin mar-RŻI, għandhom iqisu wkoll u jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħidma tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni applikati fil-qasam tal-agrikoltura biex tittejjeb il-bijodiversità fl-UE.

4.8    L-infrastruttura ekoloġika

4.8.1

Id-Direttiva dwar il-Ħabitats għandha difett tekniku kritiku: għalkemm l-Artikolu 10 tagħha jirreferi espliċitament għall-importanza tal-kontinwità tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ, m'hemm l-ebda mekkaniżmu vinkolanti li jista’ jwassal għal sistema ta' netwerk tal-bijotopi konsistenti fl-Ewropa. Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-infrastruttura ekoloġika, tispjega kif dan in-nuqqas jista’ jiġi rranġat permezz ta’ investiment xieraq fil-preservazzjoni u r-restawr tal-infrastruttura ekoloġika, kemm fuq skala kbira kif ukoll żgħira. F’dan il-kuntest, huwa importanti ħafna li jkun hemm strateġija koerenti dwar l-infrastruttura ekoloġika, u li din tiġi adottata u implimentata. Fi kwalunkwe każ, għandhom jiġu pprovduti qafas metodoloġiku u strument finanzjarju għan-netwerks Ewropej għall-bijodiversità (TEN-G) bħala element ewlieni. Dan japplika kemm fuq skala kbira kif ukoll fuq skala żgħira, pereżempju fil-pajsaġġi agrikoli.

4.9    Kummenti dwar il-politika fl-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati potenzjali

4.9.1

F’bosta Stati Membri jew pajjiżi kandidati qed isiru danni serji għan-natura. Xi ftit eżempji:

4.9.2

Fir-Rumanija, iż-żona koperta minn foresti naturali fil-mument tal-adeżjoni mal-UE kienet akbar minn 2 000 km2. Il-parti l-kbira ta’ din iż-żona hija identifikata bħala sit tan-Natura 2000. Minn dak iż-żmien, ġie ddokumentat tqaċċit totali tas-sigar fuq skala kbira fil-foresta antika tar-Rumanija li għaldaqstant wassal għal telf tal-wirt naturali Ewropew.

4.9.3

L-ekosistemi tax-xmajjar li jinsabu fil-Balkani, u b’mod partikolari fil-Balkani tal-Punent, huma bil-bosta l-aktar prezzjużi fl-Ewropa. Madwar terz tax-xmajjar fl-Istati li kienu jiffurmaw parti mill-Jugożlavja u fl-Albanija għandhom dinamiċi naturali u jistgħu jkunu deskritti bħala xmajjar naturali. Il-pjan iddokumentat għal aktar minn 2 700 (!) impjant idroelettriku, b'almenu terz f'żoni protetti, huwa ta' theddida serja għall-bijodiversità u d-dinamika naturali tax-xmajjar kollha tal-Balkani. Fondi pubbliċi qed jintużaw biex jiffinanzjaw dawn il-proġetti. Kważi fl-Istati Membri kollha tal-UE, il-bijodiversità tal-ixmajjar kollha diġà ġiet affettwata serjament, biex illum, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tal-UE, għandhom jiġu applikati somom kbar għar-rinaturalizzazzjoni tagħha.

4.9.4

Bosta speċi ta’ għasafar elenkati fl-Anness 1 tad-Direttiva dwar l-Għasafar u li huma protetti fl-UE qed jiġu kkaċċjati b’mod imprudenti fil-pajjiżi kandidati tal-Balkani; il-kaċċa tal-għasafar hija wkoll ta’ spiss kwistjoni mhux solvuta f'ħafna Stati Membri. Il-qtil tal-paletta, il-grawwa, il-margun żgħir u l-papra lewn is-sadid, biex insemmgħu biss xi ftit speċi, se jwassal biex tiddgħajjef il-popolazzjoni għat-tnissil ta’ dawn l-ispeċijiet fl-UE.

4.10    Finanzjament

4.10.1

Problema oħra li ġiet indirizzata fir-reviżjoni ta' nofs it-term kif ukoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill, hija dik tal-finanzjament, inkluż tan-netwerk Natura 2000. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2004 (19) indirizzat il-kwistjoni ta’ finanzjament tan-netwerk, inkluż a) il-livell ta’ riżorsi meħtieġa u b) il-kwistjoni ta' kif ir-riżorsi għandhom jiġu ffinanzjati. F’dak l-istadju issemmiet ċifra annwali ta’ EUR 6,1 biljun; ġie deċiż li ma titwaqqafx partita baġitarja speċifika u lanqas li ssir estenzjoni tal-programm Life, iżda li minflok jintuża l-iżjed it-tieni pilastru tal-PAK u fondi oħra tal-UE.

4.10.2

Il-KESE għandu d-dubji dwar l-ammonti ddikjarati dak iż-żmien u “huwa assolutament meħtieġ li jsiru aktar kalkoli dettaljati tal-ispejjeż malajr kemm jista’ jkun. Pereżempju, għandu d-dubji dwar jekk l-ammont indikat fir-rigward tal-Istati Membri ġodda ta' EUR 0,3 biljun, (meta mqabbel ma’ EUR 5,8 biljun għall-UE-15) hux se jkun biżżejjed” (20).

4.10.3

S’issa, ma sar xejn, l-istess ammont baqa’ jiġi diskuss. L-Istati Membri responsabbli u l-Kummissjoni s’issa ma rnexxielhomx jiċċaraw is-sitwazzjoni.

4.10.4

Dak iż-żmien, il-KESE nnota r-riskju li l-finanzjament tal-miżuri ta’ Natura 2000 mit-tieni pilastru jwassal għal kompetizzjoni ma’ miżuri oħra ta’ żvilupp rurali (21). Dan ġara f’żewġ aspetti: l-ewwel, il-pagamenti għat-tieni pilastru tnaqqsu bi 30 % għall-perijodu 2007-2013 meta mqabbel mal-perjodu ta’ finanzjament preċedenti, u t-tieni, kif il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Kunsill tal-Ambjent ġustament osservaw, “l-Istati Membri mhux dejjem irrikonoxxew il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) bħala strument possibbli għall-promozzjoni tal-bijodiversità, u l-potenzjal tiegħu bħala sors ta’ finanzjament għal Natura 2000 ma kienx rikonoxxut biżżejjed” (22).

4.10.5

B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni (23) kellha taċċerta li l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali jibqa’ l-aktar sors ta’ finanzjament importanti tal-UE għan-Natura 2000 u l-bijodiversità fl-UE, iżda “huma biss 20 % tal-ħtiġijiet tal-finanzjament totali għall-ġestjoni taż-żoni protetti, inkluż in-netwerk ta’ Natura 2000 fl-Ewropa, li qegħdin jiġu ssodisfati”.

4.10.6

Huwa għalhekk urġenti li l-ħtiġijiet finanzjarji preċiżi għall-implimentazzjoni tad-direttivi dwar il-ħarsien tan-natura jiġu stabbiliti, biex jiġu identifikati u allokati r-riżorsi fuq linja baġitarja separata (eż. Baġit ta’ LIFE estiż) u jkunu disponibbli.

4.11    Il-parteċipazzjoni u l-involviment

4.11.1

In-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità, b’mod partikolari fil-każ ta’ Natura 2000, jistgħu jiġu attribwiti xi kultant għan-nuqqas ta’ involviment u parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fiż-żoni protetti rispettivi. Id-deżinjazzjoni ta’ żoni protetti għandha tiġi kkunsidrata l-ewwel nett bħala att amministrattiv, implimentata f’konformità sħiħa mal-prinċipji tal-istat tad-dritt. Madankollu, il-pjani ta’ ġestjoni għandhom jiġu żviluppati u implimentati bl-involviment mill-qrib tas-sidien tal-art, l-utenti tal-art, l-organizzazzjonijiet tal-konservazzjoni u l-awtoritajiet lokali. F’ħafna każi ma sarux hekk l-affarijiet, u dan sikwit wassal għal nuqqas ta’ fiduċja u ostilità lejn il-politika tal-UE dwar il-bijodiversità.

Brussell, il-21 ta' Settembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(1998) 42 final.

(2)  COM(2001) 162 final.

(3)  COM(2006) 216 final.

(4)  COM(2010) 4 final.

(5)  COM(2011) 244 final.

(6)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 111.

(7)  COM(2015) 478 final.

(8)  Milieu, IEEP and ICF, Evaluation Study to support the Fitness Check of the Birds and Habitats Directives, Marzu 2016.

(9)  Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Nru tad-dok 15389/15.

(10)  Il-perjodu ta’ 3 snin (jiġifieri 1992-1995) jittratta n-notifika ta’ dawn iż-żoni korrispondenti mill-Istati Membri. Dan il-proċess ta’ notifika għadu mhux komplet f’xi każijiet.

(11)  Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2016 dwar ir-rieżami ta' nofs il-mandat tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità (2015/2137(INI)).

(12)  COM(2010) 548 final, 8.10.2010, p. 3.

(13)  Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Nru tad-dok 15389/2015, punt 36.

(14)  COM(2011) 244 final, p. 2.

(15)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 150, punt 2.3.

(16)  ĠU C 195, 18.8.2006, p. 96.

(17)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35.

(18)  COM(2010) 548 final, p. 5.

(19)  COM(2004) 431 final.

(20)  ĠU C 221, 8.9.2005, p. 108, punt 3.10.1.

(21)  ĠU C 221, 8.9.2005, p. 108, punti 3.14.1. u 3.14.2 (mhux disponibbli bil-Malti).

(22)  Kunsill tal-Ambjent, 16.12.2015.

(23)  COM(2010) 548 final, p. 13.


APPENDIĊI

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti:

Punt 4.7.4 – Ibdel it-test kif ġej:

 

Għalhekk, pereżempju, it-tkabbir ta’ uċuħ tar-raba’ bil-legumi jew l-għelejjel għall-bejgħ jitqiesu bħala “erjas b’fokus ekoloġiku”. Anke jekk i Iż-żieda fin-numru ta’ erjas li fuqhom jinżergħu l-legumi jew l-għelejjel għandha tintlaqa' b’mod pożittiv., dawn il-miżuri ma jikkontribwixxux Kontribuzzjoni għat-titjib tal-bijodiversità tikkonsisti fost affarijiet oħra fit-titjib tal-ħajja tal-ħamrija b'simbjożi bejn legumi u rhizobia. Barra minn hekk, il-fatt li l L-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti pestiċidi f'żoni sensittivi huwa parzjalment permess f’erjas b’fokus ekoloġiku huwa parzjalment permess taħt ir-rekwiżiti stretti ta' awtorizzazzjoni u ta’ applikazzjoni Ewropej, li jippermetti l-promozzjoni ta' kultivazzjoni tal-uċuħ tal-proteina fl-Ewropa. huwa l-kontra tal-intenzjoni tal-ekoloġizzazzjoni tal-politika agrikola: il-pestiċidi ma jwasslux għal żieda fil-bijodiversità, iżda għat-tnaqqis tagħha.

Raġuni

Din il-miżura hija biss fit-tieni sena tal-implimentazzjoni tagħha. Għad m’hemm l-ebda analiżi sinifikanti dwar il-bijodiversità. L-użu mmirat ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jista’ jkun loġiku li f’xi każijiet, bħall-protezzjoni tal-għelejjel żgħar li mhumiex kompetittivi ħafna kontra l-ħaxix ħażin. Skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ erjas ta’ fokus ekoloġiku sa Marzu 2017.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

69

Kontra

96

Astensjonijiet

26

Punt 4.7.4 – Ibdel it-test kif ġej:

 

Għalhekk, pereżempju, it-tkabbir ta’ uċuħ tar-raba’ bil-legumi jew l-għelejjel jitqiesu bħala “erjas b’fokus ekoloġiku”. Anke jekk iż-żieda fin-numru ta’ erjas li fuqhom jinżergħu l-legumi jew l-għelejjel għall-bejgħ għandha tintlaqa' b’mod pożittiv, dawn il-miżuri ma jikkontribwixxux għat-titjib tal-bijodiversità. Barra minn hekk, il-fatt li l-użu tal-pestiċidi f'żoni sensittivi huwa parzjalment permess f’erjas b’fokus ekoloġiku huwa l-kontra tal-intenzjoni tal-ekoloġizzazzjoni tal-politika agrikola: il-pestiċidi ma jwasslux għal żieda fil-bijodiversità, iżda għat-tnaqqis tagħha. Min-naħa l-oħra, hemm defiċit għoli fl-għelejjel tal-proteina mkabbrin fl-UE, u projbizzjoni ġenerali ta’ pestiċidi fuq uċuħ leguminużi jagħmel dan id-defiċit iktar serju.

Raġuni

Għandha tingħata bil-fomm.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

80

Kontra

105

Astensjonijiet

11

Punt 1.5 – Ħassar kif ġej:

 

Il-KESE jappella għall-iżgurar tal-koerenza bejn il-politiki kollha li għandhom impatt fuq il-bijodiversità. F’dan il-kuntest, il-KESE jittama li r-rieżami ta’ nofs it-term ta’ “erjas b’fokus ekoloġiku”, u rieżami possibbli ta’ nofs it-term tal-PAK, diġà qed jintużaw sabiex jiġi żgurat li l-PAK fil-futur tintuża b’mod iżjed immirat sabiex jintlaħqu l-għanijiet dwar il-bijodiversità. Fil-fehma tal-KESE, attwalment dan jeħtieġ bidla fl-erjas b'fokus ekoloġiku f'termini tal-ambitu u l-kwalità tagħhom.

Raġuni

L-ekoloġizzazzjoni introdotta fl-2015 issa hija biss fit-tieni sena tal-implimentazzjoni tagħha. Għalhekk għad m’għandna l-ebda analiżi affidabbli biżżejjed biex inkunu nistgħu naslu għal konklużjonijiet sodi f’dan ir-rigward. Skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1307/2013, il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport ta’ valutazzjonui dwar l-implimentazzjoni ta’ erjas ta’ fokus ekoloġiku sa Marzu 2017. Il-passi xierqa se jiġu stabbiliti abbażi ta’ dawk ir-riżultati tal-valutazzjoni.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

57

Kontra

120

Astensjonijiet

11

Punt 1.5 – ibdel it-test kif ġej:

 

Il-KESE jappella għall-iżgurar tal-koerenza bejn il-politiki kollha li għandhom impatt fuq il-bijodiversità. F’dan il-kuntest, il-KESE jittama li r-rieżami ta’ nofs it-term ta’ “erjas b’fokus ekoloġiku”, u rieżami possibbli ta’ nofs it-term tal-PAK, diġà qed jintużaw sabiex jiġi żgurat li l-PAK fil-futur tintuża b’mod iżjed immirat sabiex jintlaħqu l-għanijiet dwar il-bijodiversità. Fil-fehma tal-KESE, attwalment dan jeħtieġ bidla fl-erjas b'fokus ekoloġiku f'termini tal-ambitu u l-kwalità tagħhom, filwaqt li jiġi żgurat li jkunu jistgħu jiġu integrati aħjar fil-prattiki moderni tal-biedja.

Raġuni

Għandha tingħata bil-fomm.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

75

Kontra

118

Astensjonijiet

9


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/24


Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “It-triq minn Pariġi”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 487/04)

Relatur:

is-Sinjura Tellervo KYLÄ-HARAKKA-RUONALA

Data tad-deċiżjoni tal-Assemblea tal-Plenarja

26.4.2016

Bażi legali

L-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

5.9.2016

Adottata fil-plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

129/0/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Ftehim ta’ Pariġi intlaqa’ tajjeb bħala impenn globali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-kompitu quddiemna huwa li niżguraw li l-ftehim jiġi ratifikat, implimentat u żviluppat aktar. F’din l-opinjoni, il-KESE jippreżenta l-fehmiet tiegħu dwar l-approċċi ewlenin fuq perjodu twil ta’ żmien fit-triq lejn dinja newtrali fir-rigward tal-karbonju, kif jintalab mill-ftehim.

1.2.

L-isfidi globali kbar jirrikjedu bidla kbira fl-approċċ tal-Unjoni Ewropea. Minflok ma tiffoka biss fuq l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra tagħha, l-UE għandha tikkunsidra kif tista’ tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-aktar benefiċċji tal-klima minn perspettiva globali. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tfassal strateġija għall-perjodu twil ta’ żmien dwar kif iżżid u timmassimizza “il-carbon handprint” (1) tal-UE.

1.3.

L-UE għandha tkun ambizzjuża wkoll biex tħabrek għal soluzzjonijiet ta’ benefiċċju fir-rigward ta’ aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali (win-win-win). Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal l-istrateġija dwar il-klima b’mod li jgħin biex tissaħħaħ l-ekonomija tal-UE u tittejjeb il-benesseri taċ-ċittadini tagħha, filwaqt li jiġi mmitigat it-tibdil fil-klima.

1.4.

L-impenn globali huwa essenzjali biex jintlaħqu impatti klimatiċi sinifikanti u biex jiġu evitati r-rilokazzjonijiet tal-emissjonijiet tal-karbonju, tal-investiment u tal-impjiegi. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tkompli bil-ħidma ta’ diplomazija attiva dwar il-klima, bl-għan li tissaħħaħ l-implimentazzjoni ġenerali tal-Ftehim ta’ Pariġi, filwaqt li tkompli tinkoraġġixxi ekonomiji maġġuri biex jgħollu l-livell ta’ impenn tagħhom għal livell bħal dak tal-UE. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tintegra l-kunsiderazzjonijiet klimatiċi fl-oqsma kollha tal-politika barranija, speċjalment fl-oqsma tal-kummerċ u l-investiment, u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

1.5.

F’termini ta’ miżuri prattiċi, l-UE tista’ tikkontribwixxi bl-aħjar mod fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi tesporta teknoloġiji u soluzzjonijiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u ż-żieda tal-assorbiment tal-karbonju, u billi tipproduċi prodotti għas-suq dinji b’emissjonijiet aktar baxxi minn dawk tal-kompetituri tagħha. Għalhekk, il-KESE jappella għal spinta qawwija għall-innovazzjoni – mir-riċerka sat-tqegħid fis-suq – sabiex l-UE tersaq fuq quddiem fil-pożizzjoni dinjija rigward soluzzjonijiet klimatiċi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-potenzjal tal-SMEs.

1.6.

Rigward id-dimensjoni interna tal-politika tal-klima, l-UE għandha timmira li tkun Unjoni Klimatika orjentata lejn l-azzjoni, u tkun effettiva u koerenti fil-miżuri domestiċi tagħha.. Kull sforz issa għandu jkun iffukat fuq l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet li ttieħdu, fejn kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri għandhom ir-rwoli rispettivi tagħhom.

1.7.

Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tibbaża l-istrateġija fit-tul fuq approċċ integrat. It-triq ‘il quddiem għandha tiġi żviluppata bħala parti minn “unjonijiet” tas-suq uniku relatati, b’mod partikolari dawk fil-qasam tal-enerġija, it-trasport, id-diġitalizzazzjoni, l-industrija, l-agrikoltura, il-kapital u l-innovazzjoni. Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali għall-isfidi ta’ sistemi alimentari sostenibbli u tar-rwol ta’ sekwestru tal-karbonju.

1.8.

Fl-implimentazzjoni tal-objettivi stabbiliti skont il-Ftehim ta’ Pariġi, għandu jsir użu sħiħ tal-mekkaniżmi tas-suq. Is-sistema ta’ pprezzar globali għall-emissjonijiet tal-karbonju tkun mod newtrali u effettiv biex jinkiseb l-appoġġ tal-atturi kollha tas-suq. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tesplora b’mod attiv rotot u stadji differenti kif ukoll tinvolvi ruħha ma’ pajjiżi oħra sabiex jintlaħaq progress lejn ipprezzar globali għall-emissjonijiet tal-karbonju.

1.9.

It-triq minn Pariġi għal ekonomija newtrali fil-karbonju hija sfida kbira immens. Għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni b’mod ġust u kkontrollat, u biex in-negozji u ċ-ċittadini jiġu megħjuna jadattaw għall-bidliet u jiżviluppaw soluzzjonijiet u ħiliet ġodda, għandhom jiġu introdotti miżuri ta’ aġġustament bħala parti mill-istrateġija dwar il-klima.

1.10.

Huma l-imsieħba tas-soċjetà ċivili li ser iwasslu għall-bidla lejn ekonomija newtrali fl-użu tal-karbonju permezz tal-azzjoni tagħhom fil-livell lokali, filwaqt li r-rwol ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi għandu jkun li jipprovdulhom ambjent u finanzjament abilitanti, inkluża sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli. Għandu jiġi żviluppat approċċ ta’ governanza f’diversi livelli biex jiffaċilita l-azzjoni klimatika tas-soċjetà ċivili u biex jelimina l-ostakli għaliha. Il-KESE jistenna li jkun involut b’mod sħiħ fl-iżvilupp ta’ din l-infrastruttura ta’ diversi partijiet interessati, kif ukoll fit-tħejjija tal-istrateġija fit-tul tal-UE rigward il-klima.

2.   L-UE bħala attur globali b’saħħtu

2.1.

L-eżitu tal-konferenza ta’ Pariġi dwar il-klima (COP21) kien ftehim globali sabiex id-dinja titressaq fit-triq it-tajba biex tillimita t-tisħin globali għal ferm anqas minn 2 oC u biex jissoktaw l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tkun limitata sa 1,5 oC ‘il fuq mil-livelli preindustrijali. Dan ser jitlob tnaqqis kbir fl-emissjonijiet globali u jeħtieġ bidla radikali fis-soċjetajiet.

2.2.

L-isfidi globali quddiemna jeħtieġu bidla radikali fl-approċċ tal-UE għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Huwa kritiku li l-UE tagħmel sforzi konsiderevoli biex tħalli impatt globali effettiv. L-UE għandha għalhekk tħabrek biex iżżid “il-carbon handprint” tagħha minflok ma tnaqqas biss “il-carbon footprint” tagħha.

2.3.

L-impenn globali huwa essenzjali sabiex tissolva l-problema tal-klima u biex jiġu evitati r-rilokazzjonijiet tal-emissjonijiet tal-karbonju, tal-investiment u tal-impjiegi. L-UE ħadet rwol ta’ tmexxija qabel u waqt il-konferenza ta’ Pariġi, u għandha tkompli f’dan l-ispirtu fil-Konferenzi tal-Partijiet futuri. Fil-kuntest tad-diplomazija fil-qasam tal-klima, l-UE għandha tiffoka fuq il-pajjiżi bl-akbar emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, iżda wkoll fuq il-kompetituri diffiċli tagħha u l-imsieħba l-aktar promettenti minn perspettiva ekonomika. Għalhekk id-diplomazija klimatika u dik ekonomika għandhom jimxu id f’id.

2.4.

L-akbar emittenti huma ċ-Ċina, l-Istati Uniti u l-UE, u jirrappreżentaw aktar minn 25 %, madwar 15 % u madwar 10 % tal-emissjonijiet tad-dinja rispettivament. Is-sehem tal-UE tal-emissjonijiet huwa previst li jonqos għal madwar 5 % sal-2030. Għalhekk, sabiex teżerċita l-akbar influwenza fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-UE għandha tagħmel kull sforz biex tħeġġeġ lil partijiet oħrajn biex jgħollu l-livell ta’ ambizzjoni tagħhom.

2.5.

Fil-prattika, l-UE tista’ tikkontribwixxi bl-aktar mod effettiv fil-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima globali billi tesporta soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ karbonju, kif ukoll billi tipproduċi prodotti għas-suq dinji b’emissjonijiet aktar baxxi minn dawk tal-kompetituri tagħha.

2.6.

Minbarra l-Istati Uniti, iċ-Ċina u pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw b’rata mgħaġġla saru wkoll fornituri importanti ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju. F’dawn l-aħħar ħames snin l-UE ġarrbet tnaqqis importanti f’ċerti swieq domestiċi u tal-esportazzjoni, filwaqt li tilfet il-pożizzjoni tagħha bħala mexxejja dinjija fit-teknoloġija. Il-Kummissjoni Juncker kienet uriet ix-xewqa li l-UE ssir mexxejja dinjija fl-enerġija rinnovabbli, iżda din il-mira bħalissa tinsab ‘il bogħod milli tinkiseb.

2.7.

Għalhekk hemm bżonn spinta ġdida u addizzjonali b’mod urġenti biex l-UE terġa’ tersaq fuq quddiem fir-rigward ta’ soluzzjonijiet klimatiċi. L-opportunitajiet globali jkopru firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji, prodotti, servizzi u għarfien espert, kif ukoll mudelli ta’ produzzjoni u konsum globali. L-esportazzjoni ta’ għarfien dwar l-assorbimenti tal-karbonju, bħall-ġestjoni forestali u l-afforestazzjoni, għandha titqies ukoll bħala opportunità biex isir impatt globali.

2.8.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ssieħbet fl-Inizjattiva Missjoni Innovazzjoni tal-ekonomiji ewlenin tad-dinja, li ħadu l-impenn li jirdoppjaw il-finanzjament tagħhom għar-riċerka u l-iżvilupp dwar l-enerġija nadifa matul il-ħames snin li ġejjin.

2.9.

Il-politika effettiva dwar il-kummerċ u l-investiment hija għodda essenzjali għal soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ karbonju u biex jitħeġġeġ il-progress lejn ekonomija newtrali fil-karbonju globalment. Biex jiġi żgurat eżitu pożittiv, il-kwistjonijiet tal-klima għandhom ikunu parti integrali tan-negozjati dwar ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment. L-għan għandu jkun li jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ ta’ prodotti, teknoloġiji u soluzzjonijiet favur il-klima; hawnhekk il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali jaqdi rwol sinifikanti. Jinħtieġu soluzzjonijiet komuni biex jiġu evitati d-distorsjonijiet fil-kummerċ minħabba differenzi fil-politiki dwar il-klima u fir-rekwiżiti ta’ reġjuni differenti.

2.10.

Rigward il-politika tal-iżvilupp, il-mira attwali ta’ USD 100 biljun fis-sena mwiegħda mill-pajjiżi żviluppati għall-finanzjament ta’ miżuri dwar il-klima fil-COP21 ġiet estiża sal-2025 u ntalab pjan direzzjonali prattiku biex tintlaħaq il-mira. Saru wkoll impenji finanzjarji minn pajjiżi individwali. Huwa importanti li l-wegħdiet jinżammu u l-fondi jintużaw b’mod ekonomikament, ambjentalment u soċjalment responsabbli. Jinħtieġu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni sabiex tingħata informazzjoni dwar l-aċċess għall-finanzjament għal atturi tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif propost mill-KESE fil-kuntest tal-Istrateġija UE-Afrika.

2.11.

Il-kooperazzjoni teknoloġika taqdi rwol ukoll fil-politika tal-iżvilupp. F’dan il-każ, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom jiġu protetti adegwatament peress li huma kruċjali għall-innovazzjoni. Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li s-soluzzjonijiet ikunu jirriflettu l-kundizzjonijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u – fl-ispirtu tas-sħubija – jiġu megħjuna jadottaw tkabbir b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju mingħajr ma jkun ta’ xkiel għall-iżvilupp tagħhom. Barra minn hekk, il-bini tal-kapaċità huwa meħtieġ biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima.

2.12.

Bħala regola ġenerali, il-kunsiderazzjonijiet tal-klima għandhom jiġu integrati fil-politiki esterni kollha tal-UE, bl-għan li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi globalment.

3.   Lejn Unjoni Klimatika aktar effettiva

3.1.

Sabiex tipprovdi bażi solida biex issir attur globali b’saħħtu, l-UE għandha timmira li tkun Unjoni Klimatika kompletament effettiva, koeżiva u kredibbli fil-miżuri domestiċi tagħha. L-ewwel u qabel kollox għandha tkun unjoni ta’ azzjoni. Kull sforz issa għandu jkun iffukat fuq l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet li ttieħdu s’issa, fejn kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri għandhom rwol x’jaqdu.

3.2.

Peress li l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima tapplika għas-setturi kollha tal-ekonomija, l-Unjoni Klimatika għandha tibbaża fuq approċċ integrat. Għalhekk għandhom jiġu żviluppati aktar miżuri klimatiċi bħala parti minn “unjonijiet” relatati bħal, pereżempju, l-Unjoni tal-Enerġija, iż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport, is-Suq Uniku għal Oġġetti u Servizzi, is-Suq Uniku Diġitali, il-Politika Industrijali Ewropea, il-Politika Agrikola Komuni, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni tal-Innovazzjoni. Għandha tinstab ukoll strateġija ottimali biex torbot il-politika dwar il-klima tal-UE mal-implimentazzjoni nazzjonali.

3.3.

L-UE għandha twettaq l-obbligi tagħha fil-qasam tal-klima b’mod li tissaħħaħ l-ekonomija tagħha u jitjieb il-benesseri taċ-ċittadini. Il-politika dwar il-klima m’għandhiex titqies biss bħala bilanċ bejn il-fatturi ekonomiċi, soċjali u ambjentali, iżda għandu jsir sforz biex jinstabu soluzzjonijiet “win-win-win”. Għal dan l-għan, jinħtieġu sforzi sabiex jagħtu spinta għal tkabbir b’livell baxx ta’ karbonju, filwaqt li jsir użu sħiħ tal-opportunitajiet li jirriżultaw, pereżempju, mid-diġitizzazzjoni, it-teknoloġiji nodfa, il-bijoekonomija u l-ekonomija ċirkolari.

3.4.

Minbarra li jinħtieġu globalment, hemm bżonn ta’ investimenti sostanzjali b’livell baxx ta’ karbonju fi ħdan l-UE. L-aspetti tal-klima għandhom jiggwidaw il-kriterji tal-finanzjament ta’ programmi ta’ investiment pubbliku, inkluż l-użu ta’ fondi tal-UE. Il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat, kif ukoll ir-rwol tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u l-Bank Ewropew tal-Investiment, huma ta’ importanza kbira. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir it-tnedija tal-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u t-tnedija taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti, u jisħaq li l-livelli limiti għall-proġetti m’għandhomx jeskludu proġetti iżgħar.

3.5.

Fir-rigward tas-settur privat, l-investimenti b’livell baxx ta’ karbonju għandhom l-istess prerekwiżiti bħal kwalunkwe investiment. Hemm bżonn ambjent tan-negozju inkoraġġanti, kompetittiv u stabbli sabiex ikun jista’ jsir użu sħiħ mill-opportunitajiet u l-potenzjal tan-negozju li jirriżultaw mill-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

3.6.

Sabiex tersaq fuq quddiem fil-pożizzjoni globali rigward it-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet klimatiċi, l-UE għandha tinvesti f’ambjent li jiffavorixxi l-innovazzjoni, u li jkopri r-riċerka, l-iżvilupp, il-pilotaġġ, id-dimostrazzjoni, u fl-aħħar nett id-dħul fis-suq u l-espansjoni internazzjonali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-potenzjal għall-innovazzjoni u għad-dħul tal-SMEs fis-suq internazzjonali. Għal dan l-għan, għandu jiġi żgurat li l-aċċess għall-finanzjament ma jkunx ta’ xkiel għall-SMEs.

3.7.

Peress li l-biċċa l-kbira tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra joriġinaw mill-produzzjoni tal-enerġija, l-enerġija tinsab fil-qalba tat-tranżizzjoni. Il-miżuri ewlenin jinkludu s-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili b’sorsi ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju u t-titjib tal-effiċjenza enerġetika fis-setturi u l-attivitajiet kollha. L-elettrifikazzjoni dejjem tikber tas-soċjetà – fejn il-fjuwils fossili qed jiġu sostitwiti – tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Waħda mill-akbar sfidi u opportunitajiet hija l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għall-ħżin tal-elettriku.

3.8.

Fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, b’mod partikolari t-trasport bit-triq, għandha tiġi introdotta varjetà wiesgħa ta’ miżuri. L-elettriku u sorsi alternattivi ta’ enerġija, il-bijokarburanti avvanzati, it-titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-vetturi u l-loġistika, l-użu akbar tal-forom tat-trasport b’livell baxx tal-karbonju, il-komodalità u t-trasport pubbliku, kif ukoll l-ippjanar tal-użu tal-art, ilkoll għandhom rwol x’jaqdu fit-tranżizzjoni. Fir-rigward tat-trasport bil-baħar u l-avjazzjoni, il-KESE jappella għal riżultati globali ambizzjużi fil-qafas tal-OMI u l-ICAO.

3.9.

Id-dekarbonizzazzjoni b’suċċess teħtieġ ukoll l-iżvilupp ta’ prodotti u metodi ta’ produzzjoni. L-akbar opportunitajiet jinsabu fit-tfittxija għal mudelli ta’ negozju innovattivi u fl-iżvilupp ta’ prodotti ġodda b’livell baxx ta’ karbonju b’enfasi prinċipali fuq is-servizz u l-funzjoni tagħhom. Għandu jiġi sfruttat il-potenzjal tas-setturi u l-atturi kollha, u dawk responsabbli mit-tfassil tal-politika m’għandhomx jipprivileġġaw operaturi speċifiċi, pereżempju billi jappoġġjaw ċerti setturi, tekniki jew prodotti.

3.10.

L-agrikoltura u l-forestrija huma marbuta mat-tibdil fil-klima f’diversi modi. Minbarra li jnaqqas l-emissjonijiet, is-sekwestru tad-dijossidu tal-karbonju jaqdi rwol essenzjali fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Dan jenfasizza l-importanza tal-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-foresti u ġestjoni tal-ħamrija adatta. Min-naħa l-oħra, l-agrikoltura u l-forestrija qed jifaċċjaw sfidi sinifikanti fl-adattament għat-tibdil fil-klima. Għaldaqstant jinħtieġ xogħol ta’ riċerka u żvilupp intensiv b’rabta mar-reżiljenza u l-adattament, u mar-rwol tal-ħamrija biex tassorbi l-karbonju.

3.11.

Il-konnessjoni bejn it-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-ikel hija ta’ importanza kruċjali fil-kuntest ta’ popolazzjoni li qed tikber b’rata mgħaġġla. Biex jingħata rispons għall-isfidi kbar tas-sigurtà tal-ikel u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, jinħtieġu aktar sistemi tal-ikel sostenibbli, filwaqt li jiġu evitati r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju u tal-impjiegi.

3.12.

Id-diġitalizzazzjoni hija element trażversali għad-dekarbonizzazzjoni tas-soċjetà. L-awtomatizzazzjoni, ir-robotika u l-Internet tal-oġġetti jagħmlu l-proċessi industrijali u l-loġistika aktar effiċjenti. Il-grilji tal-enerġija intelliġenti, il-mobbiltà intelliġenti, il-bini intelliġenti u l-komunitajiet intelliġenti jinvolvu liċ-ċittadini fid-dekarbonizzazzjoni u jgħinu lill-konsumaturi jsiru “prosumaturi”, filwaqt li l-pjattaformi diġitali joffru alternattiva għall-kondiviżjoni ta’ prodotti u servizzi.

3.13.

Kollox ma’ kollox, iċ-ċittadini għandhom rwol essenzjali x’jaqdu fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali fil-karbonju. Aktar mudelli ta’ konsum sostenibbli flimkien ma’ tibdil fl-istil tal-ħajja, pereżempju fir-rigward tad-dieta, ix-xiri, il-mobbiltà u r-rikreazzjoni, jistgħu jwasslu għal riżultati notevoli. Is-sensibilizzazzjoni, l-informazzjoni dwar il-prodott u l-edukazzjoni huma għodod li jistgħu jintużaw biex jgħinu liċ-ċittadini jagħmlu għażliet infurmati.

3.14.

Fir-rigward ta’ aktar miżuri speċifiċi biex noqorbu lejn futur newtrali fil-karbonju fl-oqsma ewlenin imsemmija hawn fuq, il-KESE ħareġ diversi opinjonijiet rilevanti matul dawn l-aħħar ftit snin (2).

3.15.

It-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali fil-karbonju inevitabbilment iġġib magħha kemm rebbieħa kif ukoll telliefa. Għalhekk huwa importanti ferm li t-tranżizzjoni tkun ġestita b’mod ġust u kkontrollat. Jinħtieġu miżuri adatti biex jgħinu lin-negozji u liċ-ċittadini fl-aġġustament għas-sitwazzjoni l-ġdida. Iż-żieda fl-ispejjeż u n-nuqqas ta’ ħiliet huma t-theddid ewlieni li għandu jiġu indirizzat. Hawnhekk alternattiva rilevanti hija l-għajnuna finanzjarja mmirata, ibbażata fuq l-identifikazzjoni tal-aktar setturi u gruppi ta’ persuni vulnerabbli. Madankollu, l-isforzi għandhom b’mod ġenerali jiffokaw fuq it-tfittxija għal soluzzjonijiet ġodda u l-iżvilupp tal-ħiliet.

4.   L-użu sħiħ tal-mekkaniżmi ta’ pprezzar

4.1.

Il-mekkaniżmi tas-suq għandhom jintużaw kemm jista’ jkun fl-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jintlaħqu l-miri u l-għanijiet stabbiliti minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi taħt il-Ftehim ta’ Pariġi. Sabiex tissaħħaħ l-azzjoni klimatika b’mod newtrali u b’mod effiċjenti, huwa importanti li nistinkaw għall-ipprezzar globali tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Għaldaqstant, sabiex is-sistema tal-ipprezzar tkun tista’ taħdem tajjeb, is-sussidji tal-enerġija kontradittorji jew dupplikati għandhom jitneħħew gradwalment.

4.2.

F’diversi pajjiżi u reġjuni diġà qed jintużaw tipi differenti ta’ sistemi ta’ pprezzar tal-karbonju, prinċipalment it-tassazzjoni tal-karbonju u skemi ta’ limitu massimu u skambju (cap and trade schemes) ta’ kwoti tal-emissjonjiet. Qed jiġu kkunsidrati wkoll miżuri li jorbtu d-diversi sistemi.

4.3.

Rigward l-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet, il-prezz tal-kwoti tal-emissjonijiet baqa’ baxx b’mod mhux mistenni, minħabba li l-provvista ta’ kwoti kienet taqbeż biċ-ċar id-domanda, u anke s-sussidji dupplikati affettwaw is-suq. Il-limitu massimu tal-emissjonijiet jiżgura li tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet iżda ma jipprovdix inċentiv biex isir investiment f’enerġija b’livell baxx ta’ karbonju. Dan ikun jeħtieġ żieda fil-prezz tal-karbonju, filwaqt li jiġi żgurat li jittieħdu miżuri kontra r-rilokazzjoni tal-karbonju.

4.4.

Sistema globali tal-ipprezzar tal-karbonju li tkun tiffunzjona tajjeb u ġusta tassigura kundizzjonijiet ekwi għal negozji ta’ esportazzjoni fis-swieq dinjija u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-investiment u tal-impjiegi. Barra minn hekk, din telimina l-vantaġġ kompetittiv ta’ prodotti importati li huma orħos minħabba anqas rekwiżiti marbuta mal-klima. Barra minn hekk, permezz tagħha l-flussi finanzjarji imorru lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għandhom għalhekk isiru sforzi sinifikanti biex jiġi stabbilit reġim globali adatt. Il-Kumitat jenfasizza li huwa kien favur ukoll – essenzjalment bħala soluzzjoni temporanja – mekkaniżmu ta’ “aġġustament għall-karbonju fil-fruntieri” sakemm jiġi stabbilit reġim globali (3). Madankollu, għandha tingħata l-attenzjoni dovuta għall-isfidi u r-riskji ta’ mekkaniżmi bħal dawn.

4.5.

Sabiex jiġu mistħarrġa l-prerekwiżiti għal sistema ta’ prezzar tajjeb u l-konsegwenzi tagħha, għandhom jiġu vvalutati bir-reqqa alternattivi differenti. Bħala minimu, għandhom jiġu esplorati l-passi u r-rotot li ġejjin:

ir-rabta ta’ sistemi tal-ipprezzar u l-iskambju reġjonali eżistenti ma’ dawk ta’ reġjuni oħrajn;

l-istabbiliment ta’ skemi ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet internazzjonali għas-settur sħiħ fil-każ tal-aktar setturi relevanti.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora b’mod attiv rotot u passi differenti, taqsam l-esperjenzi tagħha, u tkun involuta ma’ pajjiżi oħra b’rabta mat-tranżizzjoni lejn sistema globali ta’ pprezzar tal-karbonju.

5.   Ir-rwoli multipli tas-soċjetà ċivili

5.1.

Is-soċjetà ċivili taqdi rwol ewlieni fil-livell globali, Ewropew, nazzjonali u lokali fit-tranżizzjoni lejn dinja newtrali fil-karbonju. In-negozji, il-ħaddiema, il-konsumaturi u ċ-ċittadini huma dawk li effettivament iġibu l-bidla permezz tal-azzjoni tagħhom fuq il-post, filwaqt li dawk li jfasslu l-politika għandhom jagħtuhom ambjent abilitanti u inkoraġġanti.

5.2.

Qed isir ħafna progress fis-swieq: numru dejjem jikber ta’ investituri privati u istituzzjonali qed jikkunsidraw “ir-riskju tal-karbonju” tal-miri ta’ investiment tagħhom, u ġew stabbiliti fondi ta’ kapital privati relatati mal-klima. Ħafna kumpaniji qegħdin iġeddu u jiżviluppaw l-operazzjonijiet u l-portafolli ta’ prodotti tagħhom biex jirrispondu għat-talbiet tal-klijenti u l-azzjonisti b’rabta mal-protezzjoni tal-klima. Qed jinbnew ekosistemi ta’ negozju ġodda f’setturi differenti u bejn kumpaniji kbar u SMEs.

5.3.

Fil-COP21, parti sinifikanti tal-attivitajiet enfasizzaw ir-rwol tal-awtoritajiet sottonazzjonali, tas-settur privat u ta’ atturi oħra tas-soċjetà ċivili biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u biex jiffurmaw sħubiji ġodda. L-Aġenda ta’ Azzjoni Klimatika Globali jeħtieġ li żżomm ir-ritmu tagħha u tkompli ssaħħaħ din it-tip ta’ attività.

5.4.

Kif propost mill-KESE (4), għandha tiġi stabbilita koalizzjoni ta’ dawk li jfasslu l-politika, l-amministrazzjoni u s-soċjetà ċivili, sabiex dawn iħeġġu u jżidu l-għarfien dwar l-azzjoni klimatika f’diversi livelli mhux min-naħa tal-istat, biex jipprovdu forum għal djalogu strutturat, u biex jelimaw l-ostakli li jfixklu l-azzjoni. Il-KESE jistenna li jkun involut bis-sħiħ fl-iżvilupp ta’ din it-tip ta’ infrastruttura koerenti ta’ diversi partijiet interessati.

5.5.

Rigward il-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili ma’ reġjuni oħra, b’mod partikolari mal-istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) (5) u mal-Mediterran, il-kwistjoni tal-klima – flimkien mal-isfida tas-sigurtà tal-ikel – tinsab fuq quddiem fl-aġenda tal-KESE.

5.6.

Il-KESE huwa ħerqan ukoll li jissieħeb mal-Kummissjoni fit-tħejjija tal-istrateġija klimatika tal-UE fit-tul dwar il-mod ta’ tranżizzjoni lejn dinja newtrali fil-karbonju.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  “Il-handprint” hija kejl tal-impatti ta’ benefiċċju fuq l-ambjent jew fuq is-soċjetà, filwaqt li “l-footprint” tkejjel l-impatti negattivi eż. f’termini ta’ emissjonijiet. (Norris 2015). Għaldaqstant, “il-carbon handprint” hija kejl tal-impatt pożittiv fuq il-klima li jirriżulta minn tnaqqis tal-emissjonijiet jew minn żieda ta’ assorbimenti (sinks). Il-handprint tal-karbonju tal-UE hija t-total tal-impatti pożittivi tal-UE kullimkien fid-dinja.

(2)  Ara pereżempju l-opinjonijiet tal-KESE: dwar “L-impatt tal-konklużjonijiet tal-COP21 fuq il-politika Ewropea tat-trasport (ĠU C 303, 19.8.2016, p. 10); dwar “Is-sitwazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija fl-2015” (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 117); dwar “L-Ekonomija Ċirkolari” (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98); dwar “Pjan SET Integrat” (ĠU C 133, 14.4.2016, p. 25); dwar “Lejn disinn ġdid tas-suq tal-enerġija” (ĠU C 82, 3.3.2016, p. 13); dwar “It-tikkettar tal-effiċjenza tal-enerġija” (ĠU C 82, 3.3.2016, p. 6); dwar “Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija” (ĠU C 82, 3.3.2016, p. 22); dwar “Ir-reviżjoni tal-ET”S (ĠU C 71, 24.2.2016, p. 57); dwar “Il-Protokoll ta’ Pariġi” (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 74); dwar “L-implikazzjonijiet tal-politika tal-klima u l-enerġija għas-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija” (ĠU C 291, 4.9.2015, p. 1); dwar “Qafas ta’ politika għall-Klima u l-Enerġija 2020-2030”, (ĠU C 424, 26.11.2014, p. 39); dwar “Strumenti bbażati fuq is-suq” (ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1).

(3)  Ara “Strumenti bbażati fuq is-suq għal ekonomija tal-UE effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju”, punti 3.5.1 u 3.5.2 (ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1).

(4)  Opinjoni dwar Koalizzjoni biex twassal l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi, adottata fl-14 ta’ Lulju 2016 (ĠU C 389, 21.10.2016, p. 20).

(5)  Ara r-Riżoluzzjoni tan-Netwerk tal-partijiet ikkonċernati ekonomiċi u soċjali UE-Afrika, Lulju 2016, Nairobi.


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/30


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-pożizzjoni tal-KESE dwar kwistjonijiet speċifiċi ewlenin fin-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP)”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 487/05)

Relatur:

Philippe DE BUCK

Korelatur:

Tanja BUZEK

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

21.1.2016

Bażi legali

L-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni responsabbli

REX

Adottata fis-sezzjoni

19.7.2016

Adottata fil-plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

213/23/17

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

In-negozjati dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) deħlin f’sena kritika fl-2016. In-negozjaturi ewlenin tal-UE u l-Istati Uniti affermaw l-impenn tagħhom biex jitħaffu d-diskussjonijiet bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim politiku ambizzjuż u komprensiv li jidentifika “oqsma ta’ ħidma” possibbli fl-oqsma kollha qabel it-tmiem tal-amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) għalhekk iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar kwistjonijiet speċifiċi ewlenin tat-TTIP.

1.2.

Din l-opinjoni mhijiex tikkumenta dwar il-ftehim finali possibbli li jirriżulta min-negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti. Madankollu, huwa importanti li wieħed jivvaluta sa liema punt tqiesu l-pożizzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea, kif espressi b’mod partikolari f’opinjonijiet preċedenti tal-KESE, fil-proposti tal-UE attwalment disponibbli għall-pubbliku. Dan ser ikun il-bażi ta’ sħubija msaħħa bejn il-Kummissjoni Ewropea u s-soċjetà ċivili Ewropea għall-iżvilupp ta’ politika kummerċjali tal-UE.

1.3.

Il-KESE, filwaqt li jenfasizza r-rwol istituzzjonali tiegħu, għaldaqstant, jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin.

1.4.    Kooperazzjoni regolatorja

1.4.1.

In-negozjati tat-TTIP qed joħolqu impetu ġdid għal aktar kooperazzjoni regolatorja b’aspettattivi ogħla. Għalhekk, il-Kumitat jinnota b’sodisfazzjon li l-Kapitolu propost jinkludi t-twettiq ta’ għanijiet ta’ ordni pubbliku u livell għoli ta’ protezzjoni f’għadd ta’ oqsma identifikati. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll kjarifika espliċita li l-funzjoni u l-għan tal-istruttura istituzzjonali għall-kooperazzjoni regolatorja huma li din tipprovdi appoġġ u pariri lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet taħt kontroll demokratiku u li hi la se jkollha s-setgħa li tadotta atti legali u lanqas se tieħu post kwalunkwe proċedura regolatorja domestika.

1.4.2.

Madankollu, il-Kumitat jitlob għal definizzjoni aktar ċara ta’ regolamenti “ta’ piż” u jenfasizza li r-regolamenti li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-konsumaturi, tal-ħaddiema u tal-ambjent ma għandhomx jitqiesu bħala “ta’ piż” per se.

1.4.3.

Il-KESE jitlob ukoll li l-Kapitolu dwar il-prattiki regolatorji tajbin ma jillimitax id-dritt tal-partijiet li jirregolaw jew jintroduċu proċeduri ekwivalenti għall-proċess ta’ notifika u kummenti tal-Istati Uniti.

1.4.4.

Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiċċara l-arranġamenti għall-involviment tal-partijiet interessati, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

1.5.    OTK u SPS

1.5.1.

Il-KESE jikkunsidra li l-proposti dwar l-istandardizzazzjoni, ir-regolamenti tekniċi, l-immarkar u t-tikkettar, kollha għandhom jitqiesu bħala interessi offensivi importanti tal-Unjoni Ewropea. Huwa jieħu nota tad-dispożizzjonijiet importanti dwar it-trasparenza. Madankollu, jappella għal:

kunsiderazzjoni tat-tħassib tal-korpi tal-UE dwar l-istandardizzazzjoni, CEN/CENELEC, dwar ir-riskju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ standards volontarji;

ħidma aktar dettaljata fil-qasam tar-rekwiżiti tal-immarkar u tat-tikkettar.

1.5.2.

Fir-rigward tal-Kapitolu dwar l-SPS, il-KESE jinnota li huwa bbażat fuq il-Ftehim dwar l-SPS tad-WTO, li jinkludi l-prinċipju tal-prekawzjoni. Madankollu, il-KESE jappella għal aktar assigurazzjonijiet li l-leġislazzjoni tal-UE dwar l-ikel ma tinbidilx u li l-UE se żżomm ir-restrizzjonijiet tagħha dwar l-ormoni jew il-promoturi ta’ tkabbir u l-organiżmi ġenetikament modifikati.

1.6.    Faċilitazzjoni doganali u kummerċjali

1.6.1.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ, b’mod partikolari għad-ditti ż-żgħar, u jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea pproponiet Kapitolu. Jitlob, madankollu, li l-proċeduri doganali jkunu ssemplifikati aktar u għal kjarifika tar-regoli dwar il-penali u r-responsabbiltà għal ksur ta’ leġislazzjoni doganali.

1.7.    Servizzi

1.7.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenji sinifikanti tal-UE fil-Kapitolu dwar is-servizzi u jtenni t-talba tiegħu għal aċċess akbar tas-suq fil-livell federali u statali, għal kooperazzjoni regolatorja mtejba — b’rikonoxximent li l-aċċess għas-swieq jiddependi wkoll minn dan — u t-talba tiegħu biex jinżammu s-servizzi pubbliċi f’konformità mat-TFUE. Il-KESE jtenni wkoll li s-servizzi awdjoviżivi mhumiex parti mill-mandat u għalhekk ma għandhom jiġu inklużi f’ebda impenn. Huwa jappoġġja wkoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tissospendi n-negozjati dwar l-aċċess għas-suq tas-servizzi finanzjarji sakemm in-negozjaturi tal-Istati Uniti jaqblu b’mod ċar li jniedu diskussjonijiet dwar il-kooperazzjoni regolatorja, bl-għan li jiżdiedu l-livelli ta’ protezzjoni u l-istabbiltà finanzjarja f’dak is-settur. Il-KESE jitlob ukoll li jkun hemm formulazzjoni tat-test espliċita u dettaljata għal eżenzjoni għas-servizzi pubbliċi definita f’sens wiesgħa, sabiex ikun żgurat li s-servizzi pubbliċi kollha li huma soġġetti għal esternalizzazzjoni jew huma ffinanzjati mill-Istat, jew organizzazzjonijiet privati bi/jew mingħajr skop ta’ qligħ ikunu esklużi mill-ftehim.

1.8.    Kummerċ u żvilupp sostenibbli

1.8.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-ambitu komprensiv u dettaljat tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli. Huwa jfakkar li l-valur attwali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jiddependi primarjament fuq il-possibbiltà li effettivament dawn jiġu infurzati. Il-KESE jappella għal mekkaniżmu ta’ infurzar effettiv u mekkaniżmu ta’ monitoraġġ robust permezz tas-soċjetà ċivili. Il-KESE ma jistax jikkummenta dwar il-miżuri ta’ infurzar għall-Kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli fit-TTIP peress li l-proposti testwali għal infurzar ġew posposti. Huwa importanti li l-Kummissjoni timpenja ruħha mas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fuq dawn il-proposti sabiex jiġi żgurat li jitfasslu b’mod li jkun effettiv fil-prattika. Il-KESE jirriżerva l-possibbiltà li jikkummenta dwar dawn l-elementi meta jkunu disponibbli għall-pubbliku.

1.9.    Protezzjoni tal-investiment

1.9.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta mmirata biex tirriforma s-sistema ta’ protezzjoni ta’ investiment u li għandha l-għan li tistabbilixxi qorti tal-investiment multilaterali permanenti li tieħu post it-tribunali ta’ arbitraġġ privat. Madankollu, il-KESE għadu tal-fehma li xi punti kritiċi ta’ tħassib kif elenkati fil-punt 8.8 għandhom jiġu indirizzati. Huwa jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tfassal valutazzjoni tal-impatt li jkopri kemm l-ispejjeż kif ukoll il-funzjonament ta’ sistema ta’ qorti tal-investiment ġdida.

2.   Kuntest

2.1.

Mit-tnedija tan-negozjati dwar it-TTIP f’Ġunju 2013, il-KESE kellu rwol importanti fit-tfassil tal-pożizzjonijiet tal-UE taas-soċjetà ċivili organizzata billi fassal opinjonijiet dwar aspetti speċifiċi dwar in-negozjati dwar it-TTIP (1), dwar il-protezzjoni tal-investiment u s-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat (ISDS) (2) u dwar l-impatt tat-TTIP fuq l-SMEs (3). Sadanittant, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni importanti tagħha “Kummerċ għal kulħadd” (4) li tipprovdi l-kundizzjonijiet għat-trattati ta’ kummerċ u investiment li huma previsti. Fl-opinjoni tiegħu, il-KESE appoġġja l-approċċ deskritt fil-Komunikazzjoni (5). Il-Kumitat, f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, qed jaħdem ukoll biex jikkontribwixxi għal dibattitu infurmat tas-soċjetà ċivili dwar it-TTIP permezz ta’ numru ta’ attivitajiet relatati mat-TTIP. Dawn jinkludu l-organizzazzjoni ta’ seduti ta’ smigħ u żjarat tal-membri tal-KESE fl-Istati Uniti.

2.2.

Il-KESE jinnota li n-negozjati dwar it-TTIP qed isiru b’mod aktar trasparenti minn negozjati kummerċjali u ta’ investiment preċedenti: dawn huma l-ewwel li għalihom ġew ippubblikati l-mandat tal-Kunsill u l-pożizzjonijiet tal-UE u diversi proposti testwali. Ġie stabbilit Grupp Konsultattiv li jlaqqa’ flimkien esperti li jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ interessi – il-konsumaturi, it-trejdjunjins, in-negozji, l-ambjent u s-saħħa pubblika – biex jipprovdi lin-negozjaturi kummerċjali tal-UE b’konsulenza ta’ kwalità għolja fl-oqsma li qed jiġu nnegozjati. Madankollu, minħabba r-rwol istituzzjonali tiegħu, il-KESE jinnota b’dispjaċir il-fatt li ma ġiex inkluż formalment fil-Grupp Konsultattiv speċifiku għat-TTIP (6). Il-Kummissjoni Ewropea ħolqot sit web iddedikat dwar it-TTIP li jinkludi skedi informattivi u gwidi, dokumenti ta’ pożizzjoni tal-UE (li jistabbilixxu u jiddeskrivu l-approċċ ġenerali tal-Unjoni Ewropea għal temi partikolari), u l-proposti testwali tal-UE (li huma l-proposti inizjali tal-UE għal testi legali dwar temi fit-TTIP), u l-offerta tal-UE għal aċċess għas-suq fir-rigward tas-servizzi. Il-KESE japprezza l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li jinħoloq Forum għas-Soċjetà Ċivili li jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, inklużi l-parteċipanti fil-gruppi konsultattivi domestiċi, sabiex ikun hemm djalogu dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-ftehim.

2.3.

Din l-opinjoni tibni fuq is-sejbiet tal-opinjonijiet preċedenti li jitolbu li l-benefiċċji tat-TTIP ikunu mifruxa b’mod ugwali fost il-komunità kummerċjali (inklużi l-SMEs), il-ħaddiema, il-konsumaturi u ċ-ċittadini, u li s-salvagwardja tal-istandards għolja fis-seħħ fl-UE tkun prekundizzjoni biex il-ftehim jiġi aċċettat. Il-KESE jqis li huwa importanti li jikkummenta dwar il-pożizzjonijiet u l-proposti testwali tal-UE diġà ppubblikati għal numru magħżul ta’ kapitoli biex ikun eżaminat sa liema punt dawn huma konformi ma’ dawn il-prekundizzjonijiet, u sabiex jiġu identifikati l-punti ewlenin ta’ interess u tħassib tas-soċjetà ċivili Ewropea. B’mod partikolari, il-KESE għażel li jiffoka l-analiżi tiegħu fuq proposti għal kooperazzjoni regolatorja, inkluż prattiki regolatorji tajba (ippubblikati fil-21 ta’ Marzu 2016), ostakli tekniċi għall-kummerċ (TBT) u miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) (it-tnejn ippubblikati f’Jannar 2015), faċilitazzjoni doganali u kummerċjali (li saret disponibbli f’Jannar 2015 u emendata f’Marzu 2016), servizzi (ippubblikata f’Lulju 2015), żvilupp sostenibbli (ippubblikata f’Novembru 2015) u investiment (ippubblikata f’Novembru 2015). Din l-opinjoni tikkunsidra dokumenti ppubblikati sal-14 ta’ Lulju 2016.

2.4.

Għandu jiġi nnutat li fl-14 ta’ Lulju 2016 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta dwar l-istruttura istituzzjonali tal-ftehim (7), li tinkludi l-ħolqien ta’ Gruppi Konsultattivi Domestiċi, magħmula minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u li huma kompetenti biex jagħtu pariri lill-partijiet dwar l-applikazzjoni tal-ftehim. Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-mandat tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi jiġi estiż biex ikopri kull kwistjoni ta’ interess taħt il-ftehim, iżda madankollu jiddispjaċih li l-laqgħa konġunta taż-żewġ Gruppi Konsultattivi Domestiċi li tissejjaħ fuq inizjattiva tagħhom stess ma tissemmiex b’mod espliċitu fil-proposta tal-UE u li l-Forum tas-Soċjetà Ċivili jista’ jissejjaħ biss mill-Kumitat Konġunt. Il-laqgħat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili għandhom jippermettu lill-membri taż-żewġ Gruppi Konsultattivi Domestiċi biex jaħdmu fuq rakkomandazzjonijiet konġunti lill-Partijiet.

2.5.

F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota b’dispjaċir kbir li meta n-negozjati eventwalment isiru fuq il-bażi ta’ testi kkonsolidati, il-livell għoli ta’ trasparenza miksub s’issa se jiġi kompromess serjament, sakemm l-Istati Uniti ma taqbilx li tagħmel dawn it-testi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew, minn tal-inqas, tal-Grupp Konsultattiv tal-UE. Għalhekk il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tagħmel mill-aħjar biex tqajjem din il-kwistjoni mal-kontroparti tagħha.

3.   Kooperazzjoni regolatorja

3.1.

Il-kooperazzjoni regolatorja hija waħda mit-tliet pilastri tat-TTIP — l-oħrajn huma l-aċċess tas-suq u r-regoli – u hija magħmula minn erba’ elementi: l-aspetti orizzontali (li jinkludi sezzjoni dwar “koerenza regolatorja” jew “prattiki regolatorji tajba” minn naħa waħda, u sezzjoni dwar “kooperazzjoni regolatorja” fost ir-regolaturi min-naħa l-oħra), l-ostakli tekniċi għall-kummerċ (OTK), is-sigurtà tal-ikel u l-annimali u s-saħħa tal-pjanti (SPS), u annessi settorjali. L-għan ta’ din is-sezzjoni huwa li jsiru kummenti dwar l-ewwel minn dawn l-elementi — l-aspetti orizzontali — filwaqt li s-sezzjoni ta’ wara se tindirizza l-OTK u l-SPS.

3.2.

Il-kooperazzjoni regolatorja ġiet identifikata bħala wieħed mill-għanijiet ewlenin tat-TTIP, peress li jista’ jkollha rwol importanti biex tiffaċilita l-kummerċ u l-investiment kif ukoll biex ittejjeb il-kompetittività ta’ kumpaniji żgħar b’mod partikolari. L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, b’mod partikolari, jistennew li jinfetħu opportunitajiet ġodda, peress li m’għandhomx ir-riżorsi biex joperaw f’ambjenti regolatorji differenti fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, b’differenza għal ditti kbar. Fl-istess ħin, iż-żieda fil-kompatibilità tar-reġimi ta’ regolamentazzjoni toħloq opportunitajiet għal intrapriżi kbar biex jieħdu vantaġġ minn ekonomiji ta’ skala bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti.

3.3.

L-isforzi għall-kooperazzjoni regolatorja mhumiex ġodda (8). In-negozjati tat-TTIP qed joħolqu impetu ġdid għal aktar kooperazzjoni regolatorja b’aspettattivi ogħla. Il-KESE jqis li mhux faċli jiġu stmati l-benefiċċji li jirriżultaw minn żieda fil-kooperazzjoni regolatorja, l-aktar minħabba li dawn ivarjaw skont il-livell ta’ kooperazzjoni li għandu jintlaħaq qbil dwarha matul in-negozjati. L-abbozz ta’ rapport tekniku interim ippreparat mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-valutazzjoni tal-impatt tas-sostenibilità jistma li 76 % tal-impatt tat-TTIP se jirriżulta minn koperazzjoni regolatorja, waqt li 24 % tal-effett totali ser jirriżulta mit-tnaqqis fit-tariffi (9).

3.4.

Madankollu, il-KESE jikkunsidra li huwa importanti li tingħata protezzjoni sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-kooperazzjoni regolatorja ma jintużax biex idgħajjef l-istandards soċjali, tax-xogħol, tal-konsumatur u dawk ambjentali, iżda jaħdem biex itejjibhom. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, il-benefiċċji jkunu mhux biss ekonomiċi iżda jistgħu wkoll jiffaċilitaw il-ħidma tar-regolaturi sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ ordni pubbliku.

3.5.

Is-salvagwardja tal-livelli għolja ta’ protezzjoni tal-UE kienet punt fundamentali għall-KESE. Il-proposta attwali tal-Artikolu x1b tal-Kapitolu dwar il-kooperazzjoni regolatorja tkopri t-twettiq ta’ għanijiet ta’ ordni pubbliku u livell għoli ta’ protezzjoni, fost oħrajn, tas-saħħa pubblika; il-ħajja u s-saħħa tal-bnedmin, l-annimali u l-pjanti; is-saħħa u s-sikurezza; il-kundizzjonijiet tax-xogħol; il-benesseri tal-annimali; l-ambjent; il-konsumaturi; il-protezzjoni soċjali u s-sigurtà soċjali; id-data personali u s-sigurtà ċibernetika; id-diversità kulturali; u l-istabbiltà finanzjarja.

3.6.

Madankollu, il-KESE huwa mħasseb li dan jista’ jiddgħajjef mill-Artikolu x1d li jiddikjara l-għan ta’ “tnaqqis ta’ rekwiżiti regolatorji ta’ […] piż bla bżonn” (10). Il-KESE jinsab imħasseb li tali lingwa tista’ tkun interpretata bħala waħda li tikkunsidra li r-regolamenti li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-konsumaturi, tax-xogħol u dawk ambjentali huma ta’ “piż”.

3.7.

Għalhekk, il-KESE jixtieq jerġa’ jafferma b’mod qawwi d-dikjarazzjonijiet li s-salvagwardja tal-istandards għoljin eżistenti hija rekwiżit fundamentali u li minbarra l-għan tat-titjib tal-opportunitajiet tal-kummerċ, il-kooperazzjoni regolatorja għandha wkoll ittejjeb is-sigurtà, is-saħħa u l-ġid ekonomiku u soċjali tal-persuni fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Għalhekk dan l-impenn għandu jiġi ddikjarat mill-ġdid b’lingwa ċara ħafna u ddettaljata fil-ftehim finali. Il-KESE huwa mħasseb dwar il-proposta tal-UE dwar prattiki regolatorji tajbin. Il-kooperazzjoni regolatorja għandha tkun dwar it-titjib tad-djalogu bejn ir-regolaturi, u mhux li jiġu influwenzati l-proċessi ta’ tfassil tar-regoli ta’ xulxin. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiċċara s-sezzjoni dwar il-prattiki regolatorji tajbin tal-proposta tagħha.

3.8.

F’dan is-sens, il-KESE jikkunsidra li l-proposta attwali għall-Kapitolu dwar prattiki regolatorji tajba, li tinnota li l-partijiet ser ikunu meħtieġa jeżaminaw “alternattivi mhux regolatorji (inkluż l-alternattiva li ma jirregolawx) […] li jilħqu l-għan tal-att regolatorju” m’għandhiex titqies li tillimita d-dritt tal-partijiet li jirregolaw. Għal aktar ċarezza, it-test tal-ftehim għandu jiċċara li din id-dispożizzjoni ma għandhiex tillimita d-dritt tal-partijiet li jirregolaw. Huwa jinnota wkoll li l-Artikolu 6 tal-proposta dwar konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati m’għandux jitqies ekwivalenti għall-proċess ta’ notifika u kummenti tal-Istati Uniti.

3.9.

Għall-KESE, l-iżvilupp tal-kummerċ għandu għalhekk jibqa’ għan ċentrali. Huwa importanti li n-negozjati tat-TTIP jappoġġjaw it-tneħħija ta’ ostakli bla bżonn għall-kummerċ (11).

3.10.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta attwali tal-Kummissjoni tiċċara b’mod espliċitu li l-funzjoni u l-għan tal-istruttura istituzzjonali għandhom l-għan li jipprovdu appoġġ u pariri lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet taħt il-kontroll demokratiku tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-UE (12). Il-proċedura leġislattiva ordinarja m’għandhiex tiddgħajjef, u għandhom ikunu evitati d-dewmien jew l-effett ta’ diżinċentiv regolatorju. Il-KESE jilqa’ l-Artikolu 1 propost, li jafferma mill-ġdid id-dritt kemm li jirregolaw kif ukoll li jistabbilixxu livelli ta’ protezzjoni. Madankollu, huwa kruċjali li l-proposta tiddefinixxi l-kompożizzjoni u r-regoli ta’ proċedura tal-kumitati u l-gruppi differenti. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura koerenza u konsistenza bejn il-kapitoli orizzontali dwar il-kooperazzjoni regolatorja, u l-kapitoli u l-annessi settorjali dwar l-ostakli tekniċi għall-kummerċ (TBT) u dwar il-miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS).

3.11.

Id-djalogu li jsir fil-bidu tal-proċess regolatorju ikabbar il-possibbiltà li jiġu identifikati soluzzjonijiet ta’ politika li jinkludu kunsiderazzjonijiet transkonfinali u għandu jkun previst. L-involviment tal-partijiet interessati permezz ta’ proċess trasparenti, li huwa prinċipju fundamentali fil-proċess ta’ regolamentazzjoni tajba fi ħdan l-Unjoni Ewropea, għandu jkun dettaljat b’mod ċar fil-proposta tal-Kummissjoni. Sabiex il-kooperazzjoni regolatorja tikseb riżultati u proposti inklużivi għar-regolaturi, għandu jkun hemm impenn strutturat u bbilanċjat tal-partijiet interessati, u b’mod partikolari n-negozji, il-konsumaturi, il-gruppi ta’ interess ambjentali u l-ħaddiema.

3.12.

Sabiex iseħħ progress speċifiku, għandhom jiġu previsti konsultazzjonijiet bikrija dwar l-attività regolatorja bejn ir-regolaturi tal-UE u tal-Istati Uniti. Diskussjonijiet fi stadju bikri tal-proċess leġislattiv huma mistennija li jżidu l-potenzjal biex jiġu stabbiliti regoli interoperabbli fil-futur u li jippermettu lill-parteċipanti fis-suq jikkonformaw maż-żewġ sistemi fl-istess ħin. Madankollu, ir-regolaturi għandhom jikkunsidraw id-djalogu u t-tweġibiet għal kummenti mingħand il-kontropartijiet tagħhom jew minn persuni interessati bħala volontarji, sabiex jiġi evitat kwalunkwe effett ta’ diżinċentiv fil-qasam regolatorju.

3.13.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiċċara l-arranġamenti kemm għad-djalogu msemmi hawn fuq kif ukoll għall-involviment tal-partijiet konċernati, b’mod partikolari tal-imsieħba soċjali u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Għandu jkun hemm garanzija ċara li l-partijiet interessati rilevanti jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal djalogu trasparenti permezz ta’ proċedura definita sew li tippreskrivi trattament ugwali u tevita d-dewmien fil-proċess regolatorju. Min-naħa tal-UE, ir-reġistru ta’ trasparenza għandu jitqies meta jiġu definiti r-rilevanza u l-kwalità rappreżentattiva tal-partijiet interessati.

4.   Kwistjonijiet dwar l-OTK u l-SPS

4.1.

Il-KESE jinsab kuntent li l-ftehim tad-WTO dwar l-OTKs huwa integrat kif jinsab fil-proposta. Barra minn hekk, il-Kapitolu tal-OTK propost jindirizza rekwiżiti tekniċi (regolamenti u standards tekniċi) u rekwiżiti tal-valutazzjoni tal-konformità. Il-KESE huwa tal-fehma li l-proposti dwar l-istandardizzazzjoni, ir-regolamenti tekniċi, l-immarkar u t-tikkettar, kollha għandhom jitqiesu bħala interessi offensivi importanti tal-Unjoni Ewropea. Huwa importanti li dawn il-proposti ma jintużawx biex jitqajmu dubji dwar regolamenti li huma meħtieġa għas-saħħa u s-sikurezza kif ukoll għall-protezzjoni soċjali.

4.2.

Il-KESE jinnota wkoll id-dispożizzjonijiet importanti dwar it-trasparenza: huwa jtenni l-obbligu ta’ notifika ta’ miżuri lid-WTO, ta’ ogħti ta’ informazzjoni lill-parti l-oħra, l-offerta ta’ opportunità għal kummenti bil-miktub u l-forniment ta’ tweġibiet għal dawn il-kummenti. Dan jipprovdi wkoll għall-pubblikazzjoni ta’ kull regolament tekniku applikabbli, ġdid jew eżistenti, permezz ta’ reġistru, kif ukoll tal-istandards li hemm referenza għalihom fir-regolamenti tekniċi (billi l-maġġoranza l-kbira tal-istandards huma użati mill-industrija iżda mhumiex “referenzjati” — użati — mir-regolaturi fir-regolamenti tekniċi).

4.3.

Fir-rigward tal-istandardizzazzjoni, il-KESE jilqa’ l-kooperazzjoni bejn il-korpi ta’ standardizzazzjoni, kif ukoll il-prinċipji ta’ aċċettazzjoni reċiproka limitata. Madankollu, il-KESE ħa nota tat-tħassib espress mis-CEN/CENELEC dwar ir-riskji tar-rikonoxximent reċiproku ta’ standards volontarji fit-TTIP. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-proposti tal-korpi tal-istandards tal-UE u tiżgura li l-interessi tal-UE jkunu salvagwardjati. Anke l-garanzija li l-partijiet interessati rilevanti kollha jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ standards ġodda hija importanti.

4.4.

Is-sistemi ta’ standardizzazzjoni tal-UE u tal-Istati Uniti huma differenti ħafna minn xulxin. B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ “prodott wieħed, standard wieħed, aċċettat kullimkien” li jirrappreżenta pilastru tas-suq uniku tal-UE ma jeżistix fl-Istati Uniti. Fl-Ewropa, meta jiġi adottat standard ġdid, l-istandards nazzjonali konfliġġenti jiġu rtirati; fl-Istati Uniti, standards differenti jeżistu flimkien fis-suq li jagħmilha diffiċli għall-SMEs biex jifhmu liema wieħed ikun l-aħjar għal-linji ta’ prodotti tagħhom. Sabiex tiżdied it-trasparenza u jiġu faċilitati kumpaniji żgħar, huwa essenzjali li tiġi stabbilita helpdesk min-naħa tal-Istati Uniti li tkun tipprovdi servizzi ta’ appoġġ lill-kumpaniji tal-UE li jixtiequ jesportaw lejn is-suq tal-Istati Uniti. Ħafna drabi dawn huma kumpaniji żgħar b’riżorsi limitati iżda b’livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni f’suq speċjalizzat li huwa l-bażi tal-kompetittività tagħhom.

4.5.

Il-KESE jinnota b’dispjaċir li oqsma ewlenin bħas-sikurezza elettrika, il-kompatibilità elettro-manjetika, il-makkinarju u t-telekomunikazzjonijiet, fejn l-UE għandha interess offensiv ċar, huma identifikati bħala oqsma ta’ prijorità għall-konsiderazzjoni fil-futur: dawn l-oqsma għandhom ikunu fost l-eżiti speċifiċi referenzjati dwar valutazzjoni tal-konformità li jirriżultaw min-negozjati.

4.6.

Il-KESE jiddeplora bl-istess mod li fis-sezzjoni dwar l-immarkar u t-tikkettar, ebda qasam prijoritarju mhu identifikat għal ħidma futura u mhemmx spazji riżervati la għal skeda ta’ żmien għal analiżi futura ta’ rekwiżiti tal-immarkar u t-tikkettjar, u lanqas għall-inklużjoni tal-eżiti li jirriżultaw min-negozjati f’setturi partikolari.

4.7.

Il-Kapitolu dwar l-SPS propost jibni fuq il-Ftehim tad-WTO dwar l-SPS u l-kummenti dwar il-proposta testwali tal-UE mressqa għal diskussjoni mill-Istati Uniti matul iċ-ċiklu tan-negozjati mid-29 ta’ Settembru sat-3 ta’ Ottubru 2014, u disponibbli għall-pubbliku fis-7 ta’ Jannar 2015.

4.8.

Il-Ftehim dwar l-SPS tad-WTO li jkopri l-applikazzjoni tar-regolamenti dwar is-sigurtà tal-ikel, u s-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, jinkludi l-Prinċipju tal-Prekawzjoni (Artikolu 5(7)), li issa huwa stabbilit ukoll fit-Trattat ta’ Lisbona. Dan m’għandhux ikun miftuħ għan-negozjati u għalhekk ma għandux jagħmel parti mill-ftehim. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjoni kbir l-assigurazzjonijiet mogħtija mill-UE li t-TTIP mhix ser tbiddel il-leġislazzjoni dwar is-sigurtà tal-ikel; li l-UE ser iżżomm ir-restrizzjonijiet tagħha dwar l-ormoni jew promoturi tat-tkabbir tal-laħam u li t-TTIP mhix ser tbiddel il-liġi tal-UE dwar organiżmi ġenetikament modifikat.

5.   Faċilitazzjoni doganali u kummerċjali

5.1.

Peress li l-kummerċ f’merkanzija jkopri porzjon kbir tal-kummerċ Transatlantiku, kull sforz biex jittejbu l-proċeduri doganali se jkollu impatt qawwi fuq il-kummerċ bilaterali, b’mod partikolari għall-kumpaniji ż-żgħar.

5.2.

Il-KESE jilqa’ l-proposti addizzjonali li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-proċeduri doganali, b’mod partikolari: it-twaqqif ta’ punt ta’ kuntatt waħdieni fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, il-koordinazzjoni mtejba dwar standards internazzjonali, u l-iżvilupp ta’ programm ta’ sħubija ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ; l-armonizzazzjoni u l-allinjament tad-data, b’impenn għall-valutazzjoni ta’ liema data għandha tiġi allinjata; l-espansjoni tar-responsabbiltajiet tal-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali sabiex jaġixxi bħala l-“Kumitat tad-Dwana Speċjalizzata” f’numru ta’ deċiżjonijiet bil-quddiem u oqsma li għad iridu jkunu definiti.

5.3.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiċċara l-elementi li huma partikolarment importanti għall-intrapriżi tal-UE u li għadhom mhumiex ċari fit-test disponibbli, bħall-valur de minimis, it-tneħħija tat-tariffi kollha addizzjonali, u l-ħruġ ta’ sanzjonijiet u r-responsabbiltà għal ksur tal-leġislazzjoni doganali.

6.   Servizzi

6.1.

Fl-offerta tagħha dwar is-servizzi, l-UE toffri impenji serji f’setturi li huma kruċjali għat-trawwim tat-tkabbir u l-kompetittività (diġitali u tat-telekomunikazzjoni) tal-Ewropa, biex titħaffef l-integrazzjoni fil-katini tal-valur globali (trasport, servizzi ta’ kurrier, servizzi tan-negozju u servizzi professjonali) jew jolqtu s-setturi ekonomiċi ewlenin (kostruzzjoni, bejgħ bl-imnut, enerġija).

6.2.

Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li l-proposta tal-UE tipproponi qafas li jiffaċilita sistema ġusta, trasparenti u konsistenti għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali bejn il-partijiet u tistipula l-kondizzjonijiet ġenerali għan-negozjar ta’ ftehimiet ta’ għarfien reċiproku, li huma ta’ importanza kbira biex jiżguraw aċċess aħjar għas-suq għall-fornituri tas-servizzi mill-UE.

6.3.

Il-KESE jtenni tliet aspetti ewlenin marbuta mas-servizzi: il-ħtieġa li jiżdied l-aċċess tas-suq kemm fil-livell federali kif ukoll statali; ir-rikonoxximent li l-aċċess għas-suq jiddependi wkoll minn kooperazzjoni regolatorja msaħħa; it-talba għall-preservazzjoni tal-ispeċifiċità tas-servizzi pubbliċi b’konformità mat-TFUE.

6.4.

Il-KESE jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiżgura li f’termini ta’ servizzi, it-TTIP tmur lil hinn mill-ftehimiet eżistenti bħall-GATS u t-TISA u li għandhom jiġu konklużi ftehimiet speċifiċi biex jitneħħew il-ħafna ostakli diskriminatorji li jeżistu fl-Istati Uniti.

6.5.

Il-KESE jisħaq dwar kwistjoni partikolari li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra u li tikkonċerna l-aċċess żbilanċat għas-swieq: kumpaniji Amerikani jistgħu jibbenefikaw mis-suq uniku tal-UE filwaqt li l-kumpaniji tal-UE jiffaċċjaw suq Amerikan frammentat billi numru kbir ta’ setturi ta’ servizzi huma rregolati fil-livell tal-Istat. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Uniti qed tkompli timponi l-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini ta’ ċerti Stati Membri tal-UE, filwaqt li ċ-ċittadini tal-Istati Uniti ma għandhomx bżonn viża biex jivvjaġġaw lejn l-UE, u dan jirrappreżenta trattament diskriminatorju għaċ-ċittadini tal-UE li jagħmel ħsara lir-relazzjoni bilaterali.

6.6.

Dwar setturi speċifiċi, il-KESE jixtieq jagħmel il-kummenti li ġejjin:

is-servizzi awdjoviżivi mhumiex parti mill-mandat u għalhekk ma għandhomx jiġu inklużi fi kwalunkwe impenn;

l-aċċess għas-suq tas-servizzi finanzjarji għandu jkun sospiż sakemm in-negozjaturi tal-Istati Uniti jaqblu b’mod ċar biex iniedu diskussjonijiet dwar kooperazzjoni regolatorja. Tali kooperazzjoni regolatorja għandu jkollha l-għan li żżid il-livelli ta’ protezzjoni u l-istabbiltà finanzjarja;

is-servizzi pubbliċi għandhom ikunu kompletament protetti peress li jiżguraw l-istandards għoljin eżistenti fil-provvediment ta’ servizzi essenzjali u sensittivi għaċ-ċittadini. Għal dan l-għan eżenzjonijiet ċari u definit b’mod wiesgħa għandhom ikunu stabbiliti.

6.7.

Fir-rigward tas-servizzi pubbliċi, l-opinjoni tal-KESE “Kummerċ għal Kulħadd” iddikjarat li l-protezzjoni tas-servizzi pubbliċi fi ftehimiet kummerċjali “tista’ ssir bl-aqwa mod permezz tal-użu ta’ lista pożittiva kemm fir-rigward tas-suq għall-aċċess, kif ukoll tat-trattament nazzjonali”. Madankollu, ir-regoli attwali tal-UE dwar is-servizzi offruti fit-TTIP adottaw approċċ “ibridu” mingħajr preċedent għas-servizzi elenkati, u dan jista’ jħalli inċertezza sostanzjali.

6.8.

Fl-Anness III dwar l-aċċess għas-suq, hija pprovduta lista pożittiva bl-istess test bħal fl-iskeda tal-GATS tal-UE fejn “is-servizzi ta’ utilità pubblika jeżistu f’setturi bħalma huma servizzi ta’ konsultazzjoni xjentifika u teknika relatati, servizzi R&D dwar ix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi, servizzi ta’ ttestjar u analiżi teknika, servizzi ambjentali, servizzi tas-saħħa, servizzi tat-trasport u servizzi awżiljari għal kull mod ta’ trasport. Id-drittijiet esklussivi fuq servizzi bħal dawn spiss jingħataw lil operaturi privati, pereżempju operaturi b’konċessjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi, soġġetti għal obbligi ta’ servizz speċifiċi. Minħabba li l-utilitajiet pubbliċi spiss jeżistu wkoll fil-livell subċentrali, elenkar speċifiku għas-settur li jkun iddettaljat u eżawrjenti mhuwiex prattiku” (13). Madankollu, il-“klawżola ta’ utilità pubblika”, li tippermetti li jinżammu strutturi monopolistiċi, għandha diversi nuqqasijiet, inkluż il-fatt li l-ambitu ma jkoprix il-limitazzjonijiet bħall-ittestjar tal-ħtiġijiet ekonomiċi, jew il-kwoti. Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-eżenzjoni tal-utilitajiet pubbliċi għandha tapplika għall-mezzi kollha ta’ forniment.

6.9.

Il-KESE jitlob li jkun hemm formulazzjoni espliċita u dettaljata tat-test dwar l-eżenzjoni għall-utilitajiet pubbliċi fl-Anness III sabiex ikun żgurat li s-servizzi pubbliċi kollha li huma soġġetti għal esternalizzazzjoni jew huma ffinanzjati mill-Istat, organizzazzjonijiet privati bi jew mingħajr skop ta’ qligħ ikunu esklużi mill-ftehim.

6.10.

Minkejja li l-klawżoli ta’ sospensjoni u l-klawsoli ratchet ma japplikawx għall-Anness II, il-KESE jinsab imħasseb li n-negozjati jistgħu jwasslu biex ir-riżervi tal-UE li bħalissa huma elenkati f’dan l-Anness jiġu trasferiti fl-Anness I, b’hekk jiġi evitat li l-liberalizzazzjoni titreġġa’ lura. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja d-dikjarazzjoni tar-rapport ta’ Konsulenza tal-Kunsill Soċjali u Ekonomiku Netherlandiż li “Il-gvernijiet għandhom jibqgħu ħielsa milli jiddikjaraw ċerti servizzi — skont il-preferenzi tagħhom stess — sabiex ikunu “ta’ interess pubbliku ġenerali” (14).

6.11.

Il-KESE huwa mħasseb ukoll li r-regolazzjoni mill-gvern fi kwalunkwe servizz mhux elenkat b’mod adegwat fl-Annessi I u II ser tkun esposta għal sfidi potenzjali mill-gvern tal-Istati Uniti permezz ta’ proċedimenti ta’ tilwim minn Stat għal Stat għal ksur ta’ trattament nazzjonali jew impenji ta’ nazzjonijiet l-aktar iffavoriti, jew permezz tas-sistema ta’ qorti ta’ investiment.

6.12.

Il-KESE jinnota b’dispjaċir li, meta mqabbel ma’ kapitoli oħrajn, l-aċċess għas-suq tas-servizzi huwa ttraskurat u jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tneħħi l-ostakoli li fadal għall-aċċess tas-suq fl-Istati Uniti. L-Istati Uniti għadha timponi projbizzjoni totali f’termini ta’ trasport marittimu. Hemm limiti għall-preżenza ta’ kapital bħal 25 % fit-trasport bl-ajru u 20 % fit-telekomunikazzjoni, u ostakli sinifikanti lil hinn mill-fruntiera bħal fl-oqsma tat-telekomunikazzjoni u tas-satelliti. Hemm lista twila ħafna għar-rekwiżiti għaċ-ċittadinanza, eż. fis-settur bankarju, l-assigurazzjoni u l-kontabbiltà. Jeżistu rekwiżiti għar-residenza għas-servizzi legali, kontabilistiċi, tal-inġinerija, u tal-assigurazzjoni. Rekwiżiti ta’ preżenza lokali jeżistu pereżempju għal rekwiżiti legali, kontabilistiċi u tal-assigurazzjoni kif ukoll rekwiżit ta’ forma legali fl-assigurazzjoni, eċċ.

7.   Żvilupp sostenibbli

7.1.

It-TTIP toffri opportunità lill-partijiet biex irawmu s-sostenibbiltà permezz tal-kummerċ u jmorru lil hinn minn kwalunkwe ftehim kummerċjali konkluż minn naħa jew oħra dwar l-għanijiet ta’ sostenibbiltà. Fl-opinjonijiet tiegħu REX/390 u REX/449 (15), il-KESE talab l-inklużjoni ta’ Kapitolu robust dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, li jitqies bħala komponent essenzjali tal-ftehim, u għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon l-ambitu komprensiv u dettaljat tal-proposta tal-Kummissjoni. Madankollu, il-KESE jemmen li l-valur attwali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jiddependi primarjament mill-possibbiltà li eventwalment u effettivament dawn jiġu infurzati.

7.2.

L-opinjoni REX/390 iddikjarat li mekkaniżmu b’saħħtu għall-monitoraġġ tas-soċjetà ċivili għandu jkun komponent essenzjali ta’ kwalunkwe ftehim. Għalhekk, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Malmström li hemm bżonn mekkaniżmi ta’ infurzar effettivi fil-Kapitolu tal-iżvilupp sostenibbli (16). Il-KESE jappoġġja bl-istess mod ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ konsulenza tal-Kunsill Soċjali u Ekonomiku Netherlandiż u l-Kunsill Soċjali u Ekonomiku Franċiż dwar il-kapaċità li jimponi sanzjonijiet effettivi fuq il-partijiet fejn ikun meħtieġ (17).

7.3.

Il-KESE jfaħħar l-impenji estensivi tal-Kummissjoni Ewropea għal standards tax-xogħol u ambjentali għoljin. Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-dritt tar-regolazzjoni u t-twaqqif ta’ livelli għoljin ta’ protezzjoni ġie ikkonfermat fil-preambolu tal-ftehim u f’artikolu awtonomu fil-Kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli.

7.4.

Il-KESE kien talab li jiġi affermat mill-ġdid l-impenn tal-partijiet li jimplimentaw u jinfurzaw b’mod effettiv il-leġislazzjoni tax-xogħol tagħhom, u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mis-sħubija tagħhom fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO). Il-KESE għalhekk jilqa’ l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet vinkolanti dwar il-protezzjoni ta’ standards ewlenin tax-xogħol, bħal-libertà tal-assoċjazzjoni u d-dritt għan-negozjar kollettiv bil-formazzjoni ta’ u s-sħubija fi trejdjunjins, l-eliminazzjoni ta’ xogħol furzat jew obbligatorju, l-abolizzjoni effettiva tax-xogħol tat-tfal, u l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-impjieg u x-xogħol. Barra minn hekk, il-KESE jilqa’ l-inklużjoni addizzjonali tal-impenn tal-partijiet biex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Sabiex dawn id-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli jsiru vinkolanti, għandu jiġi implimentat “approċċ fi tliet stadji” b’konsultazzjonijiet mal-gvern, il-gruppi konsultattivi domestiċi u l-panels ta’ esperti bl-involviment tal-ILO u d-dispożizzjoni dwar is-soluzzjoni tat-tilwim ġenerali tal-ftehim.

7.5.

Fir-rigward ta’ aspetti ambjentali, l-inklużjoni ta’ dispożizzjoni dwar il-kummerċ b’rabta mal-immaniġġjar ambjentali adatt ta’ kimiki u skart tallinja sew mat-tħassib tas-soċjetà ċivili. Għaldaqstant, il-KESE jaqbel li fil-ftehim jiddaħħlu dispożizzjonijiet bl-għan li jipprevjenu jew jimminimizzaw l-effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent fir-rigward tas-sustanzi kimiċi u l-iskart. Bl-istess mod il-KESE jilqa’ l-impenn tal-partijiet lejn l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti u r-rikonoxximent reċiproku tal-impatt negattiv sinifikanti ta’ sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat.

7.6.

Il-kooperazzjoni bejn il-partijiet dwar aspetti tal-politiki ambjentali u tax-xogħol relatati mal-kummerċ hija inizjattiva pożittiva bħala dispożizzjoni fil-proposta. Il-KESE jappoġġja r-rikonoxximent tal-importanza tal-kooperazzjoni fil-promozzjoni ta’ xogħol deċenti fil-ktajjen tal-provvista globali u fit-tfassil ta’ strateġiji u politiki li jippromovu l-kontribut tal-kummerċ lejn l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, l-ekonomija ekoloġika u l-ekonomija ċirkolari (18).

7.7.

Il-KESE jappoġġja l-għan tal-protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol u l-ambjent permezz ta’ kodiċi ta’ kondotta, skemi standard, ittikkettjar, ċertifikazzjoni, verifika u politiki korporattivi oħra relatati.

7.8.

Imġiba kummerċjali responsabbli, bħar-responsabbiltà korporattiva soċjali, tista’ twassal għat-tisħiħ ulterjuri tal-għanijiet ta’ sostenibilità. Il-KESE jaqbel li fil-Kapitolu dwar is-sostenibilità jiġu inklużi referenzi espliċiti għall-prinċipji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, il-Patt Globali tan-NU, l-ISO 26000, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-intrapriżi multinazzjonali u l-politika soċjali (id-Dikjarazzjoni MNE) u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem.

7.9.

Il-KESE jinnota li l-proposta testwali tal-UE ma tinkludix elementi relatati mas-soluzzjoni tat-tilwim, li se jiġu żviluppati fi stadju aktar tard, u jirriżerva l-possibbiltà li jikkummenta dwar dawn l-elementi meta jkunu disponibbli għall-pubbliku.

7.10.

Il-KESE huwa favur mekkaniżmu ta’ infurzar ibbażat fuq id-djalogu soċjali biex jappoġġja l-implimentazzjoni tal-impenn tal-partijiet għall-promozzjoni tal-kummerċ internazzjonali b’tali mod li jikkontribwixxi għall-għan tal-iżvilupp sostenibbli, Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni għat-twaqqif ta’ gruppi konsultattivi domestiċi li jinkludu rappreżentazzjoni bbilanċjata ta’ gruppi tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw bilanċ bejn l-interessi tan-negozju, tal-ħaddiema, tal-konsumaturi, tal-ambjent u tas-saħħa pubblika li jistgħu jressqu opinjonijiet jew rakkomandazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tat-TTIP (19). L-esperjenza bil-ftehimiet fis-seħħ turi li sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta’ tali mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, huwa importanti li r-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-korpi ta’ monitoraġġ jirriżultaw f’investigazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE u jkunu marbuta ma’ proċess ta’ infurzar.

8.   Investiment

8.1.

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni ressqet proposta testwali għal sistema ta’ qorti tal-investiment li tintroduċi riforma proċedurali totali li għandha l-għan li tieħu post l-ISDS. Hija tkkonsisti minn żewġ partijiet, id-dispożizzjonijiet sostantivi tal-protezzjoni tal-investiment u l-funzjonament tas-sistema li ssolvi tilwimiet bejn l-investituri u l-Istati. Din tinkludi wkoll sezzjoni introduttorja li tipprovdi definizzjonijiet speċifiċi għall-protezzjoni tal-investimenti.

8.2.

Kif mitlub fl-opinjoni REX/390, jingħataw definizzjonijiet aktar dettaljati dwar “id-dritt ta’ regolazzjoni”, “l-esproprjazzjoni indiretta” u “t-trattament ġust u ekwu”. Dawn huma l-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati għar-regolazzjoni ta’ proċedura ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn Stat u investitur. Dawn il-kjarifiki jservu d-dritt ta’ parti li tirregola fl-interess pubbliku fuq il-protezzjoni tal-investitur.

8.3.

Il-KESE jenfasizza li d-definizzjonijiet fil-ftehim, b’mod partikolari tad-dritt għar-regolazzjoni għandhom ikunu ċari u jiggarantixxu d-dritt tal-Istat biex iżomm u jintroduċi standards għolja b’mod partikolari għall-protezzjoni soċjali, ambjentali u tal-konsumatur, filwaqt li tiġi ggarantita protezzjoni adegwata u leġittima lill-investituri, mill-protezzjoniżmu u d-diskriminazzjoni. Il-KESE jilqa’ l-fatt li ġie inkluż artikolu awtonomu fit-test tal-ftehim minbarra fil-preambolu tiegħu. Id-dritt għal regolazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni soċjali għandu jsemmi b’mod espliċitu l-ftehimiet kollettivi, inklużi ftehimiet tripartitiċi u/jew ġeneralizzati (erga omnes), sabiex ikunu esklużi milli jkunu soġġetti għal interpretazzjoni bħala ksur ta’ aspettattiva leġittima tal-investituri. Kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-salarju stabbiliti fil-kuntest ta’ ftehimiet kollettivi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ostaklu nontariffarju għall-kummerċ.

8.4.

Il-KESE jirrikonoxxi, madanakollu, li l-aktar tibdil sinifikanti sar fl-aspetti proċedurali tas-soluzzjoni tat-tilwim. Is-sistema ta’ arbitraġġ tbiddlet f’sistema ġudizzjarja bi tribunal fejn l-arbitri adhoc maħtura mill-partijiet litiganti huma sostitwiti minn imħallfin minn roster permanenti li jinħatru mill-partijiet fil-Ftehim. Dawn it-tibdiliet jagħmluha sistema iktar istituzzjonalizzata. Il-KESE jitlob lill-partijiet biex jiżguraw li hekk kif it-trattat ikun irratifikat, is-sistema ta’ qorti tal-investiment tkun qed tiffunzjona kompletament u li l-imħallfin igawdu leġittimità demokratika u jinħatru b’mod li jelimina r-riskju ta’ sistema ġurisdizzjonali politiċizzata kif ukoll ir-riskju tal-kunflitti ta’ interess.

8.5.

Il-KESE jinsab kuntent li jenfasizza li ddaħħal kodiċi ta’ kondotta strett biex jiżgura l-imparzjalità u biex jiġu evitati konflitti ta’ interess. Huwa stabbilit ukoll “tribunal ta’ appell” biex jiġġudika d-deċiżjonijiet tat-tribunal u jindirizza dawk li kienu kritiki leġittimi għall-ISDS. Barra minn hekk, it-trasparenza hija żgurata peress li r-regoli tal-UNCITRAL ikunu japplikaw għat-tilwim.

8.6.

Filwaqt li jilqa’ t-titjib li sar bil-għan li ssir riforma fis-sistema, il-KESE xorta waħda jara punti kritiċi ta’ tħassib li jeħtieġu jiġu indirizzati.

8.7.

Il-KESE jirrikonoxxi, barra minn hekk, li għad hemm tħassib fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida u li jvarjaw skont il-partijiet interessati differenti. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tqis aktar dan it-tħassib fl-isforzi kontinwi tagħha biex ittejjeb is-sistema għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment.

8.8.

Dan it-tħassib jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej:

il-ħtieġa li jinstab il-bilanċ ġust bejn politiki pubbliċi leġittimi u standards dwar il-protezzjoni tal-investimenti f’termini ta’ “trattament ġust u ekwu” u “protezzjoni kontra esproprjazzjoni indiretta”, abbażi ta’ definizzjonijiet ċari li jnaqqsu r-riskju ta’ interpretazzjoni wiesgħa;

lista limitata ħafna tal-għanijiet ta’ politika leġittimi, bħall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sigurtà, l-ambjent jew il-moralità pubblika, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumaturi, u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali li huma marbuta mad-dritt għar-regolazzjoni;

l-ebda esklużjoni espliċita ta’ regolamenti li japplikaw għall-organizzazzjoni u l-forniment ta’ servizzi pubbliċi;

l-esklużjoni totali tat-telf ta’ profitt meta jsir il-kalkolu tal-kumpens għal investimenti li jkunu saru;

l-implimentazzjoni tal-“prinċipju ta’ min jitlef iħallas” jista’ jipprevjeni milli kumpanija, u b’mod partikolari SME, jużaw is-sistema;

il-ħtieġa għal referenzi għall-obbligi ta’ investitur skont id-Dikjarazzjoni tal-Intrapriżi Multinazzjonali tal-ILO, il-prinċipji gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali;

xi nuqqas ta’ ċarezza dwar kif id-deċiżjonijiet se jiġu rikonoxxuti u eżegwiti mill-qrati domestiċi u x’inhi r-relazzjoni mal-Konvenzjoni ta’ New York dwar ir-Rikonoxximent u l-Infurzar ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin jew ir-regoli tal-ICSID rilevanti. Dan għandu jiġi ċċarat peress li fis-sistema attwali l-investituri diġà jħabbtu wiċċhom ma’ problemi ta’ infurzar.

il-ħtieġa li tiġi vvalutata bir-reqqa l-kompatibbiltà tal-ICS mal-qafas legali tal-UE;

in-nuqqas ta’ indipendenza reali tal-imħallfin peress li fil-proposta l-ġdida xorta waħda f’xi każijiet jistgħu jaħdmu bħala avukati korporattivi;

il-ħtieġa li tiġi kkunsidrata r-rakkomandazzjoni tal-abbozz ta’ rapport tekniku interim tal-ASI dwar it-TTIP biex tiġi eskluża l-possibbiltà li servizzi pubbliċi jiġu kkontestati fil-qafas tal-ICS (20).

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi lis-soċjetà ċivili u l-komunità legali Ewropea biex jindirizzaw dan it-tħassib.

8.9.

Barra minn dan, xi partijiet interessati iqajmu dubji dwar il-ħtieġa għal sistema separata ta’ arbitraġġ dwar l-investiment f’sistemi legali domestiċi li jiffunzjonaw tajjeb u huma ferm żviluppati (21).

8.10.

Bħala konklużjoni, il-KESE jqis li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-ICS hija pass fid-direzzjoni t-tajba iżda għandha tittejjeb aktar f’numru ta’ oqsma sabiex tiffunzjona bħala korp ġudizzjarju internazzjonali indipendenti. Il-Kumitat jiddispjaċih li s-sistema kienet proposta mingħajr proċess ta’ konsultazzjoni sħiħ u ġust u qabel ma saret valutazzjoni tal-impatt li tkopri kemm l-ispejjeż tas-sistema kif ukoll il-funzjonament tagħha u jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji tali valutazzjoni tal-impatt.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ara l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Ir-relazzjonijiet Trans-Atlantiċi kummerċjali u l-fehma tal-KESE dwar il-kooperazzjoni mtejba u ftehim ta’ kummerċ ħieles eventwali bejn l-UE u l-Istati Uniti (ĠU C 424, 26.11.2014, p. 9).

(2)  Ara l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Il-protezzjoni tal-investituri u s-soluzzjoni għat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment bejn l-UE u pajjiżi terzi (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 45)..

(3)  Ara l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar It-TTIP u l-impatt tagħha fuq l-SMEs (OJ C 383, 17.11.2015, p. 34).

(4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar Il-Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment ( COM(2015) 497 final).

(5)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 123).

(6)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

(7)  Ara http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2016/july/tradoc_154802.pdf.

(8)  Pereżempju, il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (TEC) li twaqqaf fl-2007; il-Forum ta’ Livell Għoli dwar il-Kooperazzjoni; il-Forum ta’ Livell Għoli dwar il-Kooperazzjoni Regolatorja.

(9)  Ecorys, Trade SIA on the Transatlantic Trade and Investment Partnership (TTIP) between the EU and the USA – Draft Interim Technical Report, p. 18 (http://www.trade-sia.com/ttip/wp-content/uploads/sites/6/2014/02/TSIA-TTIP-draft-Interim-Technical-Report.pdf).

(10)  Il-proposta testwali tal-UE riveduta dwar il-kooperazzjoni regolatorja saret disponibbli għall-pubbliku fil-21 ta’ Marzu 2016, http://trade.ec.europa.eu/doclib/html/154377.htm

(11)  Sociaal-Economische Raad (SER), Advisory Report 16/04E on TTIP (https://www.ser.nl/~/media/files/internet/talen/engels/2016/ttip.ashx).

(12)  Ara l-opinjoni tal-Kunsill ekonomiku, soċjali u ambjentali Franċiż, “Les enjeux de la négociation du projet de Partenariat transatlantique pour le commerce et l’investissement (PTCI)” [Il-kwistjonijiet ewlenin fin-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (mhux disponibbli bil-Malti)]

(http://www.lecese.fr/sites/default/files/pdf/Avis/2016/2016_01_projet_partenariat_transtlantique.pdf).

(13)  Offerti ta’ Servizzi u Investiment tal-Unjoni Ewropea (http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/july/tradoc_153670.pdf).

(14)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.

(15)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

(16)  Dikjarazzjoni tal-Kummissjarju Malmström tas-17 ta’ Novembru 2015, http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/november/tradoc_153968.pdf

(17)  Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 12 u 11.

(18)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “Xogħol diċenti fil-ktajjen tal-provvista globali” (ĠU C 303, 19.8.2016, p. 17).

(19)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.

(20)  Ecorys, Trade SIA on the Transatlantic Trade and Investment Partnership (TTIP) between the EU and the USA – Draft Interim Technical Report, p. 144 (http://www.trade-sia.com/ttip/wp-content/uploads/sites/6/2014/02/TSIA-TTIP-draft-Interim-Technical-Report.pdf).

(21)  Eż. il-pożizzjoni tal-KETU dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Sistema ta’ Qorti tal-Investiment fit-TTIP u s-CETA https://www.etuc.org/documents/etuc-position-commissions-proposal-investment-court-system-ttip-and-ceta#.V2xn19KNhHg


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/41


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Żvilupp sostenibbli — immappjar tal-politiki interni u esterni tal-UE”

(opinjoni esploratorja)

(2016/C 487/06)

Relatur:

is-Sur Ioannis VARDAKASTANIS

Korelatur:

is-Sinjura Jarmila DUBRAVSKÁ

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 8.6.2016

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

5.9.2016

Adottata fil-plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

171/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-adozzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli timmarka bidla storika lejn paradigma ġdida billi jiġu indirizzati d-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali b’mod universali u integrat. Il-pajjiżi kollha jeħtieġ li jittraduċu u jimplimentaw l-Aġenda, irrispettivament mil-livell tad-dħul tagħhom. Din l-Aġenda unika tirrifletti bis-sħiħ il-valuri Ewropej tal-ġustizzja soċjali, il-governanza demokratika u l-ekonomija soċjali tas-suq, kif ukoll il-protezzjoni ambjentali. Għalhekk hija opportunità kbira għall-UE biex tisfrutta dawk il-valuri u titratta l-implimentazzjoni tal-Aġenda b’mod kumplessiv. Il-KESE jappella lill-UE sabiex tmexxi bl-eżempju f’dan il-proċess mimli b’ħafna sfidi madwar id-dinja.

1.2.

Il-KESE jilqa’ l-impenn tal-Unjoni Ewropea lejn l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Madankollu, il-KESE huwa mħasseb li għaddiet sena minn mindu ġiet adottata l-Aġenda 2030 tan-NU mingħajr ma l-UE ħadet miżuri konkreti u li jħarsu ‘l quddiem sabiex tintegra l-SDGs fil-politiki u l-programmi tagħha, u mingħajr ma tat bidu għal konsultazzjoni usa’ mas-soċjetà ċivili.

1.3.

L-UE qed tiffaċċja sfidi politiċi, soċjali, ekonomiċi u strutturali kruċjali fl-oqsma kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà. L-inugwaljanzi, il-qgħad – speċjalment il-qgħad fost iż-żgħażagħ – l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-inugwaljanzi bejn is-sessi, id-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni ta’ gruppi vulnerabbli fis-soċjetajiet Ewropej qed idgħajfu l-pedamenti tal-UE nnifisha. F’diversi Stati Membri, il-kriżi finanzjarja kompliet tkabbar il-problema, li qed issir kriżi soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem.

1.4.

L-Aġenda 2030 għandha tinbidel f’narrattiva proattiva, b’kapaċità ta’ trasformazzjoni u pożittiva għall-Ewropa, u dan il-proċess għandu jkun xprunat minn rieda politika qawwija u determinazzjoni li tissawwar Unjoni Ewropea sostenibbli billi nxaqilbu l-ekonomiji tagħna lejn żvilupp li huwa reżiljenti u kompetittiv, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, b’użu baxx tal-karbonju u soċjalment inklużiv. Din in-narrattiva li tħares ‘l quddiem tista’ tgħin ukoll sabiex jingħeleb in-nuqqas ta’ fiduċja mingħajr preċedent taċ-ċittadini tal-UE fil-proġett tal-UE u b’mod partikolari jintrebaħ l-appoġġ taż-żgħażagħ għalih. L-UE għandha tagħmel użu tal-Aġenda 2030 tan-NU b’dan il-mod biex tippreżenta viżjoni ġdida tal-Ewropa għaċ-ċittadini tal-UE: il-kuntratt soċjali tas-seklu 21.

1.5.

Il-KESE jitlob li jkun hemm strateġija globali u integrata għal Ewropa Sostenibbli 2030 u lil hinn, li tipprovdi l-perspettiva fit-tul meħtieġa, u l-koordinazzjoni u l-koerenza ta’ politiki għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU. Din l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq ftehim interistituzzjonali bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament sabiex tinħoloq bażi soda għal aktar azzjoni politika. Bħalissa, l-istrateġiji Ewropej bħall-Istrateġija Ewropa 2020, li fl-2001 warrbet l-istrateġija globali preċedenti, jiġifieri l-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE, u l-10 prijoritajiet tal-President Juncker – fil-fehma tal-KESE – ma jipprovdux mezz biex jindirizzaw bis-sħiħ l-isfidi ta’ implimentazzjoni tal-SDGs fl-UE.

1.6.

L-istrateġija globali msemmija hawn fuq għandha tinkludi miri speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-SDGs, mekkaniżmi għar-reviżjoni u l-monitoraġġ, kif ukoll pjani ta’ azzjoni bl-istrumenti leġislattivi u ta’ politika neċessarji, attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni – eż. stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-SDGs – u pjan għall-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji. Il-proċess li jwassal għal din l-istrateġija għandu jitnieda mill-Kummissjoni permezz tal-Komunikazzjoni tagħha li jmiss, u l-fażi ta’ disinn tal-istrateġija għandha tagħti lok għal konsultazzjoni wiesgħa mas-soċjetà ċivili, il-gvernijiet, il-parlamenti u l-awtoritajiet lokali. Il-KESE huwa disponibbli biex jappoġġja dan il-proċess bħala faċilitatur.

1.7.

L-eżerċizzju tal-Kummissjoni biex timmappja l-politiki interni u esterni tal-UE skont is-17-il SDG huwa pass neċessarju. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tikkumplementa dan permezz ta’ analiżi dettaljata tal-lakuni fir-rigward tas-17-il SDG sabiex jiġu identifikati oqsma fejn l-UE għandha timpenja ruħha f’azzjoni minn qabel u immedjata.

1.8.

Il-KESE identifika dawn l-oqsma li ġejjin ta’ politika ewlenin għal bidla trasformattiva lejn żvilupp sostenibbli u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistabbilixxi inizjattivi ewlenin xierqa, inklużi pjani ta’ azzjoni trasparenti u miri, filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjonijiet fil-punt 4.3 ta’ din l-opinjoni:

tranżizzjoni ġusta għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, ċirkolari u kollaborattiva

tranżizzjoni lejn soċjetà u ekonomija soċjalment inklużivi – xogħol deċenti u d-drittijiet tal-bniedem;

tranżizzjoni lejn produzzjoni u konsum tal-ikel sostenibbli;

l-investiment fl-innovazzjoni u fil-modernizzazzjoni tal-infrastruttura fuq perjodu ta’ żmien twil, u l-inkoraġġiment favur negozji sostenibbli

ħidma biex il-kummerċ ikun kompatibbli ma’ żvilupp sostenibbli globali

1.9.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra l-SDGs fil-politiki rilevanti kollha. Ir-reviżjonijiet ta’ nofs it-terminu li għandhom isiru fl-2014-2020 għandhom jintużaw għal dak l-iskop. Il-perjodi tal-QFP futuri se jipprovdu opportunitajiet eċċellenti sabiex jintegraw bis-sħiħ l-SDGs fil-programmi tan-nfiq tal-UE.

1.10.

Huwa partikolarment importanti li l-Aġenda 2030 tan-NU tiġi integrata fl-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tadatta kompletament oqsma ta’ importanza kruċjali – bħal fil-politiki tal-kummerċ u l-iżvilupp, il-politiki ambjentali globali u l-azzjoni klimatika, l-għajnuna umanitarja, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, it-trasferiment tat-teknoloġija u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem – sabiex b’mod proattiv tippromovi l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tintegra bis-sħiħ u tapplika l-Aġenda 2030 tan-NU fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, u jiddispjaċih li din għadha ma ġietx inkorporata biżżejjed fl-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà.

1.11.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta u ttejjeb il-koordinazzjoni orizzontali u vertikali tal-politiki favur implimentazzjoni effettiva tal-Aġenda 2030 tan-NU. Governanza aħjar hija element ewlieni li jippermetti l-iżvilupp sostenibbli. Is-Semestru Ewropew għandu jiġi żviluppat f’qafas ta’ governanza adatta għal koordinazzjoni vertikali tal-implimentazzjoni tal-SDGs mal-Istati Membri. Il-KESE jenfasizza li l-parteċipazzjoni, it-trasparenza, il-monitoraġġ u r-reviżjoni, ir-responsabbiltà u s-sjieda taċ-ċittadini għandhom ikunu fost l-elementi u l-karatteristiċi ewlenin ta’ governanza aħjar.

1.12.

L-Eurostat għandu jfassal u japplika sett ta’ indikaturi u punti ta’ riferiment, kif żviluppati min-Nazzjonijiet Uniti, sabiex jiġi ffaċilitat l-eżami, is-superviżjoni, l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza tal-proċess ta’ implimentazzjoni tal-SDGs u sabiex l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha jingħataw data statistika ċara maqsuma skont SDGs individwali u skont il-miri..

1.13.

Il-KESE jinnota b’apprezzament li erba’ Stati Membri tal-UE kienu fost it-22 pajjiż li ppreżentaw l-ewwel analiżijiet volontarji dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs fil-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tan-NU (HLPF) dwar l-Iżvilupp fl-2016. Il-KESE jappella lill-UE biex tmexxi billi tagħti eżempju u tkun l-ewwel reġjun li jippreżenta analiżi volontarja fil-HLPF fl-2017. Il-KESE se jkun disponibbli biex jorganizza l-kontribut mis-soċjetà ċivili.

1.14.

L-UE għandha timxi lejn approċċ immexxi minn bosta partijiet interessati fl-implimentazzjoni tal-SDGs, billi tinkludi lill-atturi kollha u ‘l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili abbażi tal-prinċipji tal-parteċipazzjoni, ir-responsabbiltà u s-sħubija. Il-KESE stess diġà ppreżenta inizjattiva speċifika għall-Forum tas-Soċjetà Ċivili dwar l-Iżvilupp Sostenibbli Ewropew ta’ bosta partijiet interessati. Il-Kummissjoni għandha tesplora b’mod proattiv u tiżviluppa l-Inizjattiva tal-Karta tal-SDG biex trawwem l-ħolqien ta’ sħubijiet b’saħħithom fil-livell nazzjonali, tal-UE u dak internazzjonali.

2.   Introduzzjoni

2.1.

F’Settembru 2015, il-mexxejja dinjija adottaw l-aġenda Nittrasformaw id-dinja tagħna: L-Aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli, u stabilixxew sett ta’ Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) biex jintemm il-faqar, tiġi protetta l-pjaneta, biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u biex tiġi ggarantita l-prosperità għal kulħadd. Kull għan għandu miri speċifiċi li għandhom jintlaħqu matul l-15 snin li ġejjin.

2.2.

L-UE se jkollha rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-SDGs fl-Ewropa. Fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2016, il-Kummissjoni ħabbret inizjattiva ġdida, Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli, bl-għan li jiġu implimentati l-SDGs fil-politiki interni u esterni tal-UE (1).

2.3.

Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni qed twettaq l-eżerċizzju ta’ “mmappjar” intern sabiex jiġu identifikati liema politiki eżistenti tal-UE diġà jindirizzaw l-isfidi tal-SDGs. Il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat biex jikkontribwixxi għal dan il-proċess b’din l-opinjoni esploratorja. Sabiex jieħu kunsiderazzjoni tad-dibattitu usa’ fis-soċjetà ċivili Ewropea, il-Kumitat qies ir-riżultati taż-żewġ konferenzi ewlenin dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs li saru fil-KESE fl-2016, kif ukoll konferenzi ewlenin oħra (2).

3.   Nittrasformaw l-SDGs f’Aġenda Ewropea 2030: lejn Unjoni ta’ Żvilupp Sostenibbli

3.1.

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon Il-passi li jmiss għal futur Ewropew sostenibbli inizjattiva fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016 bħala approċċ ġdid biex jiġu żgurati l-iżvilupp ekonomiku tal-Ewropa u s-sostenibbiltà soċjali u ambjentali lil hinn mill-perjodu ta’ żmien tal-2020 u biex jiġu implimentati l-SDGs fil-politiki interni u esterni Ewropej b’mod integrat (3). Madankollu, hemm tħassib li jista’ jkun hemm nuqqas ta’ rieda u impenn politiċi, peress li s’issa ma sarx ħafna biex l-aġenda tiġi implimentata.

3.2.

F’sitwazzjoni fejn il-proġett tal-UE huwa taħt pressjoni u ħafna ċittadini qed jitilfu l-fiduċja fih, l-UE għandha tuża l-SDGs biex tiġi żviluppata narrattiva ta’ bidla trasformattiva pożittiva għal Ewropa sostenibbli, li tgħaqqad il-perspettiva fit-tul ma’ miżuri politiċi speċifiċi fil-perjodu ta’ żmien qasir u medju. Is-sostenibbiltà hija “marka Ewropea” (4): l-Aġenda 2030 tan-NU tirrifletti l-valuri Ewropej u l-mudell Ewropew ta’ ġustizzja soċjali u governanza demokratika. Għalhekk din toffri opportunità eċċellenti biex jinħolqu narrattiva konvinċenti ġdida u viżjoni għall-UE.

3.3.

L-Aġenda 2030 tan-NU ġiet approvata mill-Istati Membri kollha tal-UE u mill-UE kollha kemm hi. Issa wasal iż-żmien għal impenn politiku ċar fl-ogħla livell politiku li jafferma li l-UE tħaddan din l-aġenda l-ġdida bħala viżjoni u qafas ġenerali għal progress lejn Unjoni ta’ Żvilupp Sostenibbli (5).

3.4.

L-implimentazzjoni tal-SDGs mhijiex biss kwistjoni ta’ żvilupp jew l-ambjent. L-SDGs jindirizzaw l-isfidi ewlenin tat-trasformazzjoni tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna, fid-dinja żviluppata wkoll. L-implimentazzjoni tagħhom fl-UE teħtieġ mudell ġdid ta’ żvilupp li jkun ekonomikament aktar sostenibbli, soċjalment aktar inklużiv u ambjentalment aktar vijabbli fit-tul, u li jiżgura li r-riżorsi tal-pjaneta tagħna se jinqasmu b’mod ġust ma’ popolazzjoni dinjija li qed tikber. Jeħtieġ li nittrasformaw l-ekonomiji tagħna (6). Il-kunċett il-ġdid ta’ żvilupp għandu jimplika definizzjoni ġdida ta’ prosperità għall-UE u sett ġdid ta’ indikaturi. L-SDGs għandhom jintużaw bħala lieva sabiex jippermettu u jaċċelleraw it-transizzjoni fit-tul lejn ekonomija tal-UE li tkun reżiljenti u kompetittiva, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u soċjalment inklużiva.

3.5.

It-tnedija ta’ pjan direzzjonali mill-Kummissjoni sabiex iġġedded il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tagħti l-impressjoni li l-Kummissjoni beħsieba li l-ewwel nett tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-aġenda l-ġdida fil-politiki tal-iżvilupp. Din it-tip ta’ prijoritizzazzjoni ma tikkonformax mal-approċċ integrat tal-SDGs li jirrikjedi strateġiji ta’ implimentazzjoni globali u integrati li jkopru l-politiki esterni u interni.

3.6.

Biex jiġi stabbilit qafas ta’ governanza għall-implimentazzjoni tal-SDGs, l-UE ser ikollha testendi l-orizzont ta’ ppjanar lil hinn mill-2020. Strateġija globali u fit-tul għal Ewropa sostenibbli b’limitu ta’ żmien sal-2030 u lil hinn (7) għandha tittrasforma l-SDGs f’politiki interni u esterni tal-UE, li jindirizzaw l-isfidi Ewropej speċifiċi flimkien ma’ pjani direzzjonali trasparenti u pjani ta’ azzjoni għal inizjattivi leġislattivi u politiċi u bi skeda ta’ żmien dettaljata sal-2030. Il-Parlament Ewropew appella għal approċċ simili (8).

4.   L-immappjar tal-politiki interni u esterni tal-UE

4.1.    L-eżerċizzju ta’ mmappjar għandu jsir flimkien ma’ analiżi tal-lakuni fil-politika.

4.1.1.

Id-definizzjoni ta’ strateġija politika tal-UE u ta’ pjan direzzjonali biex jintlaħqu l-SDGs tirrikjedi aktar minn sempliċement l-immappjar tal-politiki eżistenti tal-UE. L-immappjar tal-politiki attwali tal-UE skont SDGs individwali ma jippermettix valutazzjoni dwar jekk l-SDGs jistgħux jintlaħqu fl-UE mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri. Il-politiki eżistenti jistgħu ma jkunux effettivi, jistgħu jiġu ipperikolati minn politiki oħra jew inkella jista’ jkun hemm xi ostakli oħra. L-immappjar ta’ politiki għandu għalhekk jiġi kkombinat ma’ analiżi tal-lakuni li jidentifikaw nuqqasijiet reali fil-politika tal-UE fir-rigward tas-17-il mira tal-Aġenda 2030 tan-NU u miri relatati.

4.1.2.

F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon in-noti Strateġiċi dwar “Is-sostenibbiltà issa!” imfassal taħt il-patronċinju ta’ Karl Falkenberg, Direttur Ġenerali tad-DĠ “Ambjent”, li jfassal b’mod ċar ir-riformi li l-UE teħtieġ li tagħmel skont l-Aġenda 2030 tan-NU, bl-użu ta’ eżempji minn biss ftit mill-oqsma ta’ politika.

4.1.3.

Għad jonqos analiżi komprensiva tal-lakuni tal-SDGs għall-UE. Madankollu, Indiċi u Tabella Operattiva tal-SDGs (SDG Index and Dashboard) ippubblikata dan l-aħħar u valutazzjonijiet oħra mwettqa fl-Istati Membri tal-UE juru li l-SDGs huma aġenda ambizzjuża anke għal pajjiżi bi dħul għoli (9), prinċipalment minħabba l-mod kif dawk il-pajjiżi jipproduċu, jipprovdu u jikkunsmaw prodotti u servizzi u l-impatt negattiv fuq l-ambjent li jirriżulta minn dan. L-isfidi ewlenin għall-pajjiżi tal-UE huma l-SDG 12 dwar il-konsum u l-produzzjoni responsabbli, l-SDG 13 dwar l-azzjoni klimatika, l-SDG 14 u l-SDG 15 dwar il-konservazzjoni tal-ekosistema, il-miri għal agrikoltura u nutrizzjoni sostenibbli u n-nutrizzjoni fl-SDG,2 kif ukoll l-SDG 9 dwar l-industrija, l-innovazzjoni u l-infrastruttura, fejn ġie identifikat nuqqas ta’ investiment.

4.1.4.

L-isfidi l-oħra huma l-SDGs “iffukati fuq il-persuni” b’mod partikolari l-SDG 10 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, l-SDG 8 dwar ix-xogħol deċenti u l-impjieg u l-SDG 1 dwar il-faqar, kif ukoll l-SDG 5 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-SDG 4 dwar l-edukazzjoni.

4.1.5.

Ħafna pajjiżi tal-OECD qed jonqsu milli jilħqu l-mira tal-SDG 17 dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

4.1.6.

Bħala aġenda universali, l-SDGs għandhom ukoll l-għan li jnaqqsu l-impatti ambjentali u soċjali negattivi tal-ekonomiji ta’ pajjiżi bi dħul għoli f’pajjiżi terzi. Kien hemm nuqqas ta’ kejl ta’ dan l-aspett s’issa, iżda hija sfida importanti għall-pajjiżi tal-UE.

4.2.    Il-kontribut tal-istrateġiji Ewropej attwali għall-implimentazzjoni tal-SDGs

4.2.1.

Il-Kumitat jemmen li l-immappjar tal-politiki tal-UE għandu jiffoka l-ewwel fuq l-għodod ta’ politika li huma ta’ importanza strateġika għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE. L-istimi inizjali jindikaw li dawn l-għodod mhumiex suffiċjenti biex ilaħħqu mal-isfida tal-implimentazzjoni tal-SDGs fl-UE (10). L-ebda waħda minn dawn l-istrateġiji ma tkopri l-perjodu ta’ żmien tal-Aġenda 2030.

4.2.2.

Taħt il-Kummissjoni Barroso, l-istrateġija Ewropa 2020 ġiet iddikjarata bħala l-istrateġija ġenerali tal-UE, u b’hekk tieħu post l-Istrateġija tal-UE għal żvilupp sostenibbli. Filwaqt li, fil-prinċipju, tkopri t-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli, hija strateġija relattivament qasira b’iffukar Ewropew ċar. Ma tindirizzax il-perspettiva internazzjonali, u lanqas tiddeskrivi l-impatti tal-politiki domestiċi tal-UE fuq partijiet oħra tad-dinja u l-politiki esterni tagħha, inkluż il-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Għalhekk, qatt ma kienet kapaċi tiffaċċja l-isfida li tissostitwixxi l-strateġija għall-iżvilupp sostenibbli preċedenti. Żewġ SDGs mhumiex koperti: l-SDG 2 dwar l-ikel u l-agrikoltura u l-SDG 16 dwar il-governanza, filwaqt li oħrajn huma koperti parzjalment biss, eż. l-SDG 6 (dwar l-ilma) u l-SDG 11 (dwar il-bliet).

4.2.3.

Fost l-għaxar prijoritajiet tal-President Juncker, żewġ SDGs ma jidhru mkien, jiġifieri l-SDG 14 dwar l-oċeani u l-SDG 15 dwar il-bijodiversità, filwaqt li oħrajn huma koperti biss parzjalment, eż. l-SDG 4 dwar l-edukazzjoni, l-SDG 6 dwar l-ilma, l-SDG 11 dwar il-bliet u l-SDG 12 dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli.

4.2.4.

Għadd iżgħar ta’ prijoritajiet ntgħażlu fir-Rapport tal-Ħames Presidenti, li jiffoka fuq kwistjonijiet ekonomiċi, finanzjarji, monetarji u fiskali, u jinkludi l-governanza bħala l-ħames suġġett. Ir-rapport fih xi referenzi għal oqsma tal-SDGs, bħalma huma l-enerġija, l-impjieg, l-inklużjoni soċjali u s-sistemi tas-saħħa.

4.2.5.

Il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI) attira proġetti fis-setturi li jidhru li huma allinjati ma’ ċerti sfidi tal-implimentazzjoni tal-SDGs: l-enerġija (40 %), l-ambjent u l-effiċjenza fir-riżorsi (12 %), l-infrastruttura soċjali (3 %) (11)

4.2.6.

Għadd ta’ SDGs — b’mod partikolari tal-SDG 3 fuq is-saħħa, tal-SDG 5 dwar is-sessi, tal-SDG 10 dwar l-inugwaljanza u tal-SDG 11 fuq il-bliet — ma jkunux indirizzati b’mod adegwat, skont il-prijoritajiet ta’ investiment tematiċi tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE).

4.2.7.

Bl-Istrateġija Globali għall-politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea kompletament ġdida, l-UE għandha qafas usa’ li permezz tiegħu tħaddan l-Aġenda 2030 tan-NU f’oqsma bħall-kummerċ, l-iżvilupp, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-għajnuna umanitarja, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, it-trasferiment tat-teknoloġija u l-azzjoni klimatika. L-istrateġija sa ċertu punt tindirizza l-SDGs, li huma relatati mal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-prosperità tinqasam b’mod globali. Din tiddikjara wkoll li l-SDGs ser jagħtu aktar sustanza lill-ftehim ta’ wara Cotonou li għadu ġej, u li dawn huma xprun għar-rieżami tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp.

4.3.    Oqsma ta’ politika ewlenin għal bidla trasformattiva

4.3.1.

Abbażi tal-analiżi tal-lakuni reali u x-xejriet fil-prestazzjoni tal-UE lejn il-kisba tal-għanijiet u l-miri, il-Kummissjoni għandha tidentifika oqsma ta’ politika ta’ importanza ewlenija għall-bidliet trasformazzjonali meħtieġa. L-azzjoni ta’ politika għandha tiffoka fuq dawn l-oqsma ewlenin, b’inizjattivi ewlenin adegwati, inklużi pjani ta’ azzjoni trasparenti u miri li jridu jintlaħqu. Il-KESE, filwaqt li jqis ukoll il-ħidma preċedenti tiegħu f’dawn l-oqsma, iqis l-oqsma ta’ politika ewlenin li ġejjin bħala essenzjali.

Tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, ċirkolari u kollaborattiva

(L-SDGs 7, 8, 9, 11, 12, u 13)

4.3.2.1.

Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-SDGs huwa li jżomm l-modi ta’ żvilupp fi ħdan il-limiti tal-pjaneta, b’rabta mal-klima, il-konsum tar-riżorsi, il-kwalità tal-arja u l-ilma jew il-protezzjoni tal-bijodiversità tal-art u tal-baħar. Dan jirrikjedi li reġjuni żviluppati bħall-Ewropa fundamentalment inaqqsu l-impronta ambjentali tal-ekonomija abbażi ta’ tranżizzjoni fil-produzzjoni, fil-konsum u fis-soċjetà lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u ekonomija ċirkolari. It-tranżizzjoni hija opportunità għall-UE biex timmodernizza l-ekonomija tagħha – u b’hekk jiżdiedu l-kompetittività u r-reżiljenza tagħha – u biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-benesseri taċ-ċittadini tagħha.

4.3.2.2.

Ġew introdotti pjani direzzjonali fis-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP), fil-qafas għall-klima u l-enerġija 2030, u fil-pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija ċirkolari. Madankollu, il-progress fil-prattika għandu ovvjament jitħaffef (12). Il-konsistenza ma’ oqsma ta’ politika oħra għandha tittejjeb u għandhom jiġu indirizzati d-diskrepanzi fl-implimentazzjoni f’ħafna Stati Membri permezz tal-integrazzjoni sħiħa tal-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u ċirkolari fis-Semestru Ewropew (13). Is-7 EAP u l-pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija ċirkolari jeħtieġu mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni b’saħħithom u koordinazzjoni attiva ma’ oqsma ta’ politiki oħrajn fi ħdan il-Kummissjoni sabiex jiżguraw riżultat effettiv (14). Djalogu mtejjeb u alleanzi mas-soċjetà ċivili, inklużi n-negozji u t-trejdunjins, huma meħtieġa biex isir progress. Il-politiki attivi dwar l-impjieg għandhom jipprovdu għal tranżizzjoni ġusta (15). Il-politika dwar il-klima għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tal- “ġustizzja klimatika”, filwaqt li tiżgura li l-ispejjeż u l-benefiċċji tat-tibdil fil-klima – f’termini tal-impatt tiegħu fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-faqar u l-ugwaljanza – ikunu kondiviżi b’mod ġust u mhux li jsofru l-gruppi l-aktar vulnerabbli.

4.3.2.3.

Għandu jiġi żgurat li s-swieq jappoġġjaw it-transizzjoni ekonomika u l-prezzijiet jirriflettu l-ispejjeż esterni reali tal-emissjonijiet tal-klima u tal-użu tar-riżorsi naturali (16). L-impenji eżistenti biex jitneħħew sussidji ta’ ħsara ambjentali għandhom jiġu attwati u r-riforma tat-taxxa ambjentali għandha tiġi promossa aktar bil-qawwi. Id-disinni ġodda għal swieq tal-enerġija nadifa deċentralizzata fejn il-konsumaturi jsiru wkoll produtturi għandhom jiġu applikati fuq skala akbar. Bl-istess mod, ekonomija kollaborattiva deċentralizzata tippermetti lill-konsumaturi biex jersqu lejn il-mudell tal-ekonomija ċirkolari. L-ekonomija kollaborattiva emerġenti tinvolvi bidla kunċettwali fir-rigward tax-xogħol u se tkun sors ewlieni ta’ impjiegi. F’dan is-settur ġdid ser ikollhom jiġu żgurati d-drittijiet tal-konsumaturi u tal-ħaddiema u l-kompetizzjoni ġusta (17).

Tranżizzjoni lejn soċjetà u ekonomija soċjalment inklużivi – xogħol deċenti u d-drittijiet tal-bniedem

(L-SDGs 1, 3, 4, 5, 8, u 10)

4.3.3.1.

Il-kwistjonijiet ewlenin tal-SDGs huma l-qerda tal-faqar u li jiġi żgurat li kulħadd ikun jista’ jisfrutta l-potenzjal tiegħu b’dinjità u ugwaljanza. B’hekk, l-SDGs jirriflettu l-valuri u l-mudell soċjali tal-Ewropa. Madankollu, id-differenza bejn is-sinjuri u l-foqra fl-Ewropa qed tiżdied f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, u l-aħħar tmien snin ta’ riċessjoni u l-kriżi finanzjarja, il-politiki tal-awsterità u, f’ċerti każijiet, in-nuqqas ta’ riformi strutturali żiedu aktar il-qgħad u r-rati ta’ faqar, aggravaw l-inugwaljanzi addizzjonali u għamlu aktar pressjoni fuq il-protezzjoni soċjali, li jaffettwaw il-gruppi l-aktar vulnerabbli b’mod partikolari.

4.3.3.2.

Il-kisba tal-SDGs tirrikjedi li l-UE tersaq mill-paradigma ekonomika lejn mudell ta’ żvilupp aktar inklużiv li jqassam il-ġid eżistenti b’mod aktar ġust u jżid ukoll ir-reżiljenza ekonomika u finanzjarja (18). Sabiex toħloq l-impjiegi u l-iżvilupp ekonomiku, l-UE għandha toħloq ambjent favorevoli għall-investiment, flimkien ma’ suq intern li jiffunzjona tajjeb, il-kompetittività internazzjonali u żieda fid-domanda domestika.

4.3.3.3.

L-SDGs għandhom ikunu raġuni biex jerġgħu jiġu affermati l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 dwar it-tnaqqis tal-faqar, u dwar l-impjieg u l-edukazzjoni, u biex wieħed jirrifletti dwar modi aktar effiċjenti ta’ kif għandhom jintlaħqu. Objettivi soċjali ewlenin – bħalma huma l-impjieg deċenti, l-eliminazzjoni tal-faqar, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-investiment soċjali – għandhom jitqiegħdu fuq l-istess livell tal-kwistjonijiet makroekonomiċi fis-Semestru Ewropew (19). L-ewwel proposta tal-Kummissjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ma kien fiha ebda riferenza għal SDGs. L-integrazzjoni tal-SDGs għandha tiġi kkunsidrata fit-tħejjija ulterjuri tal-pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kumitat bħalissa qed iħejji Opinjoni dwar Il-Pilastru li l-fehma tiegħu ser ikunu ġenwinament espressi.

4.3.3.4.

L-UE għandha tinvesti f’approċċ iktar koerenti u sistematiku għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, il-marġinalizzazzjoni u l-faqar – wieħed li jiffoka fuq gruppi vulnerabbli, b’approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u li jindirizza wkoll id-diskriminazzjoni bejn is-sessi. Id-Direttiva dwar it-trattament indaqs jeħtieġ tiġi adottata (20).

4.3.3.5.

Minbarra l-isfidi tal-qgħad u l-popolazzjoni li qed tixjieħ is-sistemi tas-sigurtà soċjali għandhom jiġu adattati għall-isfidi ġodda, b’mod partikolari dawk ikkawżati minn forom ġodda ta’ impjieg, li jistgħu jwasslu għal xogħol prekarju u l-faqar fost dawk li jaħdmu. Il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi ta’ tranżizzjonijiet ekonomiċi ewlenin – bħalma huma l-ekonomija diġitali, b’livell baxx ta’ karbonju u ċirkolari – għandu jiġi sfruttat (21). L-istandards tax-xogħol u ta’ introjtu minimu Ewropew ser jgħin biex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali u territorjali, u r-ridistribuzzjoni tal-ġid u tad-dħul, b’mod ġust (22), b’kont meħud tal-kompetenzi tal-Istati Membri u tal-UE f’dawn il-kwistjonijiet. Il-potenzjal enormi għal ħolqien ta’ impjiegi li għandu l-investiment soċjali għandu jiġi mobilizzat kemm minn atturi pubbliċi kif ukoll dawk privati (23). Sabiex “ħadd ma jitħalla barra”, jeħtieġ li jsir investiment f’edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità, u f’servizzi integrati li jkunu ta’ kwalità għolja u affordabbli sabiex jappoġġjaw lil individwi li huma fil-bżonn.

4.3.3.6.

L-intrapriżi soċjali jappoġġjaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol filwaqt li jipprovdu prodotti u servizzi affordabbli għal skopijiet soċjetali, eż. servizzi f’ekonomija ċirkolari u b’livell baxx ta’ karbonju deċentralizzata. Dawn għandhom ikunu appoġġjati permezz ta’ inċentivi għal start-ups fl-ekonomija soċjali u permezz ta’ambjent regolatorju abilitanti (24).

Tranżizzjoni lejn produzzjoni u konsum tal-ikel sostenibbli

(L-SDGs 2, 12 u 15)

4.3.4.1.

L-ikel – il-mod kif jitkabbar, jiġi pprodott, ikkonsmat, innegozjat, trasportat, maħżun u kkummerċjalizzat – jirrappreżenta rabta fundamentali bejn il-persuni u l-pjaneta, u huwa t-triq għal tkabbir ekonomiku, inklużiv u sostenibbli (25). L-SDGs, b’mod partikolari l-għanijiet 2 u 12, jipprovdu qafas kruċjali għal azzjoni konġunta biex titmal-popolazzjoni tad-dinja b’mod sostenibbli sal-2030. Tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli li jkopru l-istadji kollha mill-produzzjoni sal-konsum hija ferm meħtieġa. Il-produtturi jeħtieġ li jkabbru aktar ikel filwaqt li jitnaqqas l-impatt ambjentali, filwaqt li l-konsumaturi għandhom jiġu mħeġġin jaqilbu għal dieti nutrittivi u tajbin għas-saħħa b’marka tal-karbonju iżgħar.

4.3.4.2.

Ir-riforma tal-PAK introduċiet taħlita ta’ miżuri li jistgħu jitqiesu bħala pass fid-direzzjoni t-tajba (26). It-tranżizzjoni lejn sistemi alimentari sostenibbli tirrikjedi politika komprensiva dwar l-ikel, integrata bi strateġija li tibbaża ħafna fuq il-bijoekonomika, u mhux politika agrikola waħedha. Abbażi tar-rikonoxximent tal-interdipendenza tal-produzzjoni u tal-konsum tal-ikel, irid jiġi żviluppat approċċ adatt ta’ politika Ewropea li jagħti direzzjoni lejn is-sostenibbiltà, is-saħħa u r-reżiljenza (27).

4.3.4.3.

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li tinstab risposta, b’mod partikolari, għall-kwistjoni mqajma fir-rapport ta’Falkenberg dwar jekk, pereżempju, l-orjentazzjoni tal-agrikoltura Ewropea lejn l-esportazzjoni hija kompatibbli mal-għan li tissaħħaħ il-produzzjoni tal-ikel f’pajjiżi li qed jiżviluppaw.

4.3.4.4.

L-UE se jkollha rwol ewlieni fil-kisba tal-għan 12.3 biex il-ħela tal-ikel per capita globali jitnaqqas bin-nofs. Filwaqt li kważi 800 miljun ruħ fid-dinja kollha huma bil-ġuħ, iċ-ċifri juru li terz tal-ikel prodott għall-konsum mill-bniedem jintilef jew jinħela globalment- 100 miljun tunnellata fl-UE biss (28). Il-KESE jilqa’ l-pjan tal-Kummissjoni li toħloq pjattaforma ta’ partijiet interessati biex tgħin fit-tfassil tal-miżuri meħtieġa u biex tiġi kondiviża l-aħjar prattika dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel (29).

L-investiment fl-innovazzjoni u fil-modernizzazzjoni tal-infrastruttura fuq perjodu ta’ żmien twil, u l-inkoraġġiment favur negozji sostenibbli

(L-SDGs 7, 8, 9 u 13)

4.3.5.1.

It-trasformazzjoni tal-ekonomija lejn mudell iktar sostenibbli tirrikjedi tibdil kbir fl-investiment. Huwa stmat li l-kisba tal-SDGs globalment tkun teħtieġ madwar USD 3 triljun (30) ta’ investiment kemm minn sorsi pubbliċi kif ukoll privati. Jinħtieġ pjan olistiku għal mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Id-diversi programmi ta’ finanzjament u inizjattivi tal-UE jeħtieġ li jinġabru flimkien.

4.3.5.2.

L-UE għandha torjenta l-investiment pubbliku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’mod aktar effiċjenti lejn il-kisba ta’ żvilupp sostenibbli u integrat u għandha tintegra indikaturi tal-SDG fil-finanzjament pubbliku ta’ proġetti ta’ żvilupp. Aktar importanti minn hekk, l-UE għandha tħeġġeġ u żżid l-investiment tas-settur privat f’dawn l-oqsma.

4.3.5.3.

Iżda wkoll fi ħdan l-UE l-SDGs jeħtieġu investiment sinifikanti għal modernizzazzjoni tal-infrastruttura u għal negozji sostenibbli. L-ewwel valutazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs fl-UE juru lakuni serji ta’ investiment fl-industrija, fl-innovazzjoni u fl-infrastruttura (31).

4.3.5.4.

Hemm vantaġġi kummerċjali ċari fis-sostenibbiltà. Biex tagħmel użu sħiħ minn din l-opportunità, l-UE għandha toħloq ambjent tan-negozju favorevoli li jħeġġeġ l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-investiment sostenibbli. Xi kumpaniji diġà bdew, iżda hija ta’importanza kbira li l-esperjenzi ta’ negozju sostenibbli li rnexxew jitkattru u jiġu replikati. Approċċi volontarji bħar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva jistgħu jikkontribwixxu b’mod pożittiv għal din it-tranżizzjoni. Dawn għandhom jiġu kkumplementati b’miżuri addizzjonali, bħal miżuri biex iżidu t-trasparenza, jiżviluppaw il-kompetenzi, jiffaċilitaw is-sħubijiet, u jiggwidaw ir-rappurtar tal-kumpaniji. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-alleanzi ta’diversi partijiet interessati mas-settur privat ikunux strument utli fil-livell tal-UE.

4.3.5.5.

Il-programmi ta’ finanzjament tal-UE għandhom ikunu allinjati mal-SDGs. Inizjattivi bħalma huma l-Pjan Juncker, kif ukoll l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-banek għall-investiment pubbliku, għandhom rwol determinanti. L-isfida hawn hija li l-kapital jiġi riallokat. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali toffri tieqa ta’ opportunità biex jiġi promoss l-investiment sostenibbli (32). Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP se jkun opportunità biex l-SDGs jiġu integrati fil-fondi prinċipali tal-UE. L-investiment fit-tul irid jiġi inċentivat u għandhom jitneħħew l-ostakoli (33).

Ħidma biex il-kummerċ ikun kompatibbli ma’ żvilupp sostenibbli globali

(L-SDGs 12 u 17)

4.3.6.1.

F’ekonomija globalizzata, il-kummerċ għandu impatt kruċjali fuq l-iżvilupp sostenibbli fl-UE u mad-dinja kollha. F’diversi SDGs il-kummerċ hu għalhekk meqjus bħala mezz importanti għall-implimentazzjoni tal-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030. Bil-Komunikazzjoni tagħha “Kummerċ għal Kulħadd”, il-Kummissjoni nediet pjan ta’ azzjoni ambizzjuż għal kummerċ u investiment aktar responsabbli li jħares l-istandards soċjali u ambjentali tal-kummerċ u jippromovi l-iżvilupp sostenibbli (34). L-implimentazzjoni tal-SDGs trid tkun sistematikament u effettivament marbuta ma’ dak il-pjan ta’ azzjoni u r-riżultati għandhom jiġu mmonitorjati.

4.3.6.2.

Kapitoli ambizzjużi dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli għandhom jiġi inklużi fil-ftehimiet kummerċjali u tal-investiment kollha tal-UE u implimentati u infurzati b’mod effettiv. Id-dimensjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-qafas tad-WTO jeħtieġ li tissaħħaħ (35). L-aħjar mod biex jiġu żgurati standards soċjali, tax-xogħol u tal-ambjent fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles huwa li jiġi żgurat involviment ħafna akbar tas-soċjetà ċivili waqt in-negozjati u fil-proċess ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ (36).

4.3.6.3.

Il-Kummissjoni għandha tadotta strateġija għall-promozzjoni ta’ xogħol deċenti fil-ktajjen tal-provvista globali (37). Għandu jiġi pprovdut appoġġ għal inizjattivi minn diversi partijiet interessati biex tiġi promossa d-diliġenza dovuta fil-ktajjen ta’ provvista globali.

4.4.    Governanza aħjar għal żvilupp sostenibbli

4.4.1.

B’appoġġ għall-attivitajiet f’oqsma ta’ politika ewlenin, l-UE teħtieġ li tevalwa u ttejjeb il-koordinazzjoni orizzontali u vertikali tal-politiki għal implimentazzjoni effettiva tal-Aġenda 2030 tan-NU. Governanza aħjar hija element abilitanti ewlieni tal-iżvilupp sostenibbli (38), u koordinazzjoni aħjar huwa approċċ kruċjali biex tintlaħaq koerenza politika.

4.4.2.

L-UE teħtieġ li ttejjeb il-koerenza tal-politiki tagħha u b’mod konsistenti tiggwidhom lejn żvilupp sostenibbli bbilanċjat. Il-mekkaniżmu eżistenti għal “koerenza tal-politika għall-iżvilupp” għall-integrazzjoni ta’ konsiderazzjonijiet ta’ politika f’oqsma oħrajn għandu jiġu eżaminat bir-reqqa, imsaħħaħ u mogħti kunċett ġdid fi strument li jipprovdi “koerenza tal-politika għall-iżvilupp sostenibbli” u marbut ma’ sforzi ta’ koordinazzjoni orizzontali oħra.

4.4.3.

Il-Kummissjoni għandha wkoll tikkunsidra kif għodod ta’ “regolamentazzjoni aħjar” jistgħu jintużaw biex jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-SDGs. Il-linji gwida dwar il-valutazzjoni tal-impatt għandhom jiġu riveduti kif meħtieġ, pereżempju bl-introduzzjoni ta’ kriterju ta’ sostenibbiltà fil-valutazzjonijiet tal-impatt għal leġislazzjoni ġdida.

4.4.4.

Sabiex tintegra l-SDGs fis-setturi ta’ politika rilevanti kollha, il-Kummissjoni għandha tuża l-prinċipji gwida tal-Aġenda 2030 bħala qafas għar-rieżami tal-leġislazzjoni u t-tfassil tal-politika tal-UE, b’mod partikolari b’referenza għal approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju li “ħadd ma jitħalla’ lura”.

4.4.5.

Fuq il-bażi tal-indikaturi tal-SDGs globali u kkumplementati minn indikaturi Ewropej adatti, l-UE għandha tistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ u reviżjoni tal-SDGs li tkun ikkoordinata mal-monitoraġġ fl-Istati Membri tal-UE u torbot mal-monitoraġġ globali fil-livell tal-HLPF.

4.4.6.

Għandhom jiġu introdotti wkoll indikaturi tal-SDGs fil-proċessi eżistenti ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-politiki. Dan japplika b’mod partikolari għas-Semestru Ewropew bħala l-mekkaniżmu ta’ governanza tal-UE ċentrali, li għandu jiġu adattat għall-implimentazzjoni tal-SDGs.

4.4.7.

It-tisħiħ tar-rwol ta’ indikaturi ta’ sostenibbiltà fil-proċess tal-allokazzjoni tal-baġit leġislattiv jkun lieva importanti fl-implimentazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli. Il-kriterji ta’ kondizzjonalità fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għandhom jiġu adattati għall-implimentazzjoni tal-SDGs.

4.4.8.

Għandu jingħata appoġġ lill-inizjattiva tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (ESDN) biex tiġi stabbilita pjattaforma ta’ tagħlim bejn il-pari bejn l-Istati Membri.

4.4.9.

L-UE nnifisha għandha tieħu l-inizjattiva u tippreżenta reviżjoni volontarja lis-sessjoni tal-2017 tal-HLPF, bħala l-ewwel organizzazzjoni reġjonali li tagħmel dan. Barra minn hekk, l-UE għandha toħroġ rapporti annwali li jistabbilixxu kif l-azzjoni interna u esterna tal-UE tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-SDGs fil-qasam ta’ prijorità tematika annwali tal-HLPF (39). Is-soċjetà ċivili għandha tkun inkluża b’mod sħiħ fil-preparazzjoni u fil-preżentazzjoni tar-reviżjoni volontarja u r-rapporti tematiċi permezz tal-Forum Ewropew dwar l-Iżvilupp Sostenibbli.

5.   Is-soċjetà ċivili bħala xprun

5.1.

L-Aġenda 2030 tan-NU tirrikjedi bidla lejn mudell ta’ governanza bejn diversi partijiet interessati, bi rwol ikbar għas-soċjetà ċivili. L-SDGs jistgħu jiġu implimentati biss jekk is-soċjetà ċivili u partijiet oħra interessati jkollhom rwol attiv u jingħataw sjieda. Is-soċjetà ċivili għandha tkun involuta mil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali sal-livelli tal-UE u l-HLPF, f’kull stadju sal-implimentazzjoni.

5.2.

Għall-UE u l-Istati Membri tagħha, il-KESE jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ Forum Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli biex jinvolvi firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati fl-implimentazzjoni tal-SDGs fl-UE, u fil-monitoraġġ u r-rieżami kontinwi tagħha (40). Wieħed mill-ewwel kompiti ta’ dan il-forum għandu jkun li jiffaċilita d-djalogu tas-soċjetà ċivili fil-proċess, li jwassal għall-strateġija tal-UE globali għall-iżvilupp sostenibbli.

5.3.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm speċifiku u linja ta’ fondi biex tappoġġja l-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ f’dan il-proċess. Il-programmi ta’ bini tal-kapaċità eżistenti jeħtieġ li jkunu miftuħin b’mod aktar espliċitu għal dawk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq kwistjonijiet domestiċi li qed jagħmlu xogħol “ta’ tqarrib” b’rabta mal-komponenti interni u esterni, fl-integrazzjoni tal-SDGs u fi kwistjonijiet ta’ governanza.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2015) 610 final.

(2)  Il-konferenza dwar Kif l-Ewropa tista’ tiġi involuta fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fit-30 u 31 ta’ Mejju 2016, koorganizzata mill-Presidenza Netherlandiża, il-KESE, in-Netwerk ta’ Soluzzjonijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDSN) u l-Karta tal-SDGs Netherlandiża; il-konferenza tal-KESE dwar Il-passi li jmiss għal futur Ewropew sostenibbli, 7 ta’ Lulju, 2016; il-konferenza IDDRI dwar Żvilupp Sostenibbli: Wasal iż-żmien!, Pariġi, 10 u 11 ta’ Mejju 2016; il-konferenza IASS dwar L-attivazzjoni tal-SDGs fil-Ġermanja1-3 ta’ Mejju 2016.

(3)  Oponjoni tal-KESE dwar “Forum tas-Soċjetà Ċivili Ewropea dwar l-Iżvilupp Sostenibbli” (ĠU C 303, 19.8.2016, p. 73).

(4)  Sostenibbiltà issa! Noti Strateġiċi taċ-Ċentru Ewropew ta’ Strateġija Politika, Ħarġa 18, 20 ta’ Lulju 2016.

(5)  Op. cit.

(6)  Diskors mill-Viċi President tal-Kummissjoni, Frans Timmermans fis-Summit tan-NU fis-27 ta’ Settembru 2015.

(7)  Punt 4.3.3 tal-Opinjoni tal-KESE dwar “Evalwazzjoni tal-Istrateġija tal-Ewropa 2020 strategy għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (ĠU C 12, 15.1.2015, p. 105); Opinjoni tal-KESE dwar “Forum tas-Soċjetà Ċivili Ewropea dwar l-Iżvilupp Sostenibbli”, (ĠU C 303, 19.8.2016, p. 73).

(8)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew 2016/2696(INI)

(9)  SDSN, Bertelsmann Stiftung, SDG Index & Dashboard, Lulju 2016; Niestroy, How are we getting ready? DIE dokument ta’ diskussjoni, 9/2016.

(10)  Bħala bażi għal din l-istima f’paragrafi 4.2.2 – 4.2.7 ara Niestroy (2016), pp. 38-45; Kummissjoni Ewropea, DĠ għal Riċerka u Innovazzjoni (2015) Ir-rwol tal-politiki tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni biex jippromovu l-implimentazzjoni tal-SDGs.

(11)  COM(2016) 359 final.

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Protokoll ta’ Pariġi – Pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020”( ĠU C 383, 17.11.2015, p. 74); Opinjoni tal-KESE dwar “Strumenti bbażati fuq is-suq” (ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1).

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar “Strumenti bbażati fuq is-suq” (ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1).

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-ekonomija Ċirkolari” (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98).

(15)  Opinjoni dwar Koalizzjoni biex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi, adottata fl-14 ta’ Lulju 2016 (għadha mhix ippubblikata fil-ĠU).

(16)  Opinjoni tal-KESE dwar “Strumenti bbażati fuq is-suq” (ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1); Opinjoni tal-KESE dwar “Disinn ġdid tas-suq tal-enerġija” (ĠU C 82, 3.3.2016, p. 13); Opinjoni tal-KESE dwar “Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija” (ĠU C 82, 3.3.2016, p. 22).

(17)  Opinjoni tal-KESE dwar “Konsum kollaborattiv jew parteċipattiv, mudell ta’ sostenibbiltà għas-seklu 21” (ĠU C 177, 11.6.2014, p. 1); Opinjoni tal-KESE dwar “L-ekonomija kollaborattiva u l-awtoregolazzjoni” (ĠU C 303, 19.8.2016, p. 36).

(18)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-impatt tal-investimenti soċjali fuq l-impjieg u l-fondi pubbliċi” (ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21); “Prinċipji għal sistemi tal-benefiċċji soċjali effettivi u affidabbli” (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 40).

(19)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-impatt tal-investimenti soċjali fuq l-impjieg u l-fondi pubbliċi” (ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21); Opinjoni tal-KESE dwar “Il-ġlieda kontra l-faqar” (ĠU C 133, 14.4.2016, p. 9).

(20)  COM(2008) 426.final

(21)  Opinjoni tal-KESE dwar “Inzjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi” (ĠU C 230, 14.7.2015, p. 99); Opinjoni tal-KESE dwar “Is-soċjetà diġitali: aċċess, edukazzjoni, taħriġ, impjieg, għodod għall-ugwaljanza” (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 25); Opinjoni tal-KESE dwar “Lejn ekonomija ta’ suċċess immexxija mid-dejta” (ĠU C 242, 23.7.2015, p. 61).

(22)  Opinjoni tal-KESE dwar “Introjtu minimu Ewropew u indikaturi tal-faqar” (ĠU C 170, 5.6.2014, p. 23).

(23)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-impatt tal-investimenti soċjali fuq l-impjiegi u l-fondi pubbliċi” (ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21).

(24)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-bini ta’ ekosistema finanzjarja għall-intrapriżi soċjali (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 152).

(25)  FAO and the 17 Sustainable Development Goals: http://www.fao.org/3/a-i4997e.pdf.

(26)  Opinjoni tal-KESE dwar “Sistemi tal-ikel aktar sostenibbli” (ĠU C 303, 19.8.2016, p. 64).

(27)  Op. cit.

(28)  COM(2016) Estimates of European food waste levels; http://www.eu-fusions.org/phocadownload/Publications/Estimates%20of%20European%20food%20waste%20levels.pdf

(29)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 26.

(30)  IDDRI, 2015 Issue Brief: http://www.iddri.org/Publications/Three-commitments-governments-should-take-on-to-make-Sustainable-Development-Goals-the-drivers-of-a-major-transformation.

(31)  Tabella 2016; p. 28.

(32)  UNEP Inquiry, Building a sustainable Financial System in the European Union, p. 5: http://web.unep.org/inquiry.

(33)  Opinjoni tal-KESE dwar “Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB)” (ĠU C 327, 12.11.2013, p. 11).

(34)  COM(2015) 497 final.

(35)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp” (ĠU C 351, 15.11.2012, p. 77); Opinjoni tal-KESE dwar “Il-finanzjament tal-iżvilupp – il-pożizzjoni tas-soċjetà ċivili” (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 49).

(36)  Opinjoni tal-KESE dwar “Kummerċ għal kulħadd”: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.C_.2016.264.01.0123.01.FRA&toc=OJ%3AC%3A2016%3A264%3ATOC

(37)  Opinjoni tal-KESE dwar “Xogħol diċenti fil-ktajjen tal-provvista globali” (ĠU C 303, 19.8.2016, p. 17).

(38)  “Fl-aħħar mill-aħħar, kollox għandu x’jaqsam ma’ governanza”, diskors tal-Kummissarju Timmerrmans waqt is-Summit tan-NU, 27 ta’ Settembru 2015.

(39)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Aġenda 2030 — Unjoni Ewropea impenjata lejn l-appoġġ ta’ għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli globalment, għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.

(40)  Oponjoni tal-KESE dwar “Forum tas-Soċjetà Ċivili Ewropea dwar l-Iżvilupp Sostenibbli” (ĠU C 303, 19.8.2016, p. 73).


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/51


Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Leġislazzjoni valida għall-futur

(opinjoni esploratorja)

(2016/C 487/07)

Relatur:

is-Sur Christian MOOS

Korelatur:

is-Sur Denis MEYNENT

Konsultazzjoni

Presidenza Slovakka, 14.3.2016

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sottokumitat “Leġislazzjoni valida għall-futur”

Adottata fis-sottokumitat

7.9.2016

Adottata fil-plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

213/2/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Presidenza Slovakka talbet lill-KESE jagħti l-opinjoni tiegħu dwar “Leġislazzjoni valida għall-futur”. Dan il-kunċett ġdid isegwi talbiet speċifiċi oħra indirizzati lill-Kummissjoni u lill-koleġislaturi sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza ikbar tal-leġislazzjoni, b’mod partikolari mal-kompetittività tal-UE u li titqies in-natura speċifika tal-SMEs u l-mikrointrapriżi, kwistjonijiet li dwarhom il-KESE tkellem diversi drabi.

1.2.

Il-KESE jinnota li qed isiru sforzi biex tittejjeb il-kwalità tal-leġislazzjoni Ewropea u li dawn l-attivitajiet għandhom jiġu intensifikati.

1.3.

Il-KESE jemmen li leġislazzjoni ta’ kwalità għolja, sempliċi, li tinftiehem u koerenti “hija fattur ta’ integrazzjoni essenzjali li ma tikkostitwixxix piż jew spiża li jridu jitnaqqsu”. Huwa indispensabbli jekk wieħed irid tkabbir ekonomiku sostenibbli u li titħeġġeġ l-innovazzjoni, il-kompetittività tal-intrapriżi, inklużi l-SMEs, kif ukoll il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità.

1.4.

Il-“prinċipju tal-innovazzjoni”, kif definit fil-Kapitolu 2, jagħmel ukoll parti mil-loġika tal-programm REFIT. Il-KESE jfakkar il-prinċipji ta’ “Tfassil Aħjar tal-Liġijiet”, diġà definiti u applikati, u jenfasizza li dan il-prinċipju ġdid m’għandux jieħu preċedenza fuqhom u għandu jiġi applikat b’mod intelliġenti u b’attenzjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-protezzjoni soċjali u ambjentali, is-saħħa u l-ħarsien tal-konsumatur.

1.5.

Il-KESE jissuġġerixxi li jitkompla l-eżami tal-potenzjal li joffri l-“prinċipju tal-innovazzjoni”, filwaqt li jsir skambju tal-aħjar prattiki.

1.6.

L-innovazzjoni hija waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tkabbir sostenibbli tal-Ewropa. Ikun tajjeb li jiġi previst qafas regolatorju favorevoli għall-innovazzjoni, għalkemm m’hemm l-ebda relazzjoni sempliċi bejn l-innovazzjoni u l-qafas regolatorju. Minbarra d-dispożizzjonijiet leġislattivi, huwa wkoll neċessarju li jittieħdu miżuri biex jippromovu u jiżviluppaw l-innovazzjoni (miżuri amministrattivi, it-tassazzjoni, pjan ta’ investiment, eċċ.).

1.7.

L-għan tal-leġislazzjoni Ewropea għandu dejjem ikun li jinħoloq qafas legali li jippermetti lin-negozji u liċ-ċittadini jgawdu l-vantaġġi tas-suq intern u li jevitaw piżijiet amministrattivi żejda. Il-leġislazzjoni Ewropea hija valida għall-futur jekk tkun proattiva u progressiva; il-KESE huwa favur leġislazzjoni li tadatta. Il-KESE jemmen li leġislazzjoni valida għall-futur għandha tkun ibbażata fuq il-metodu Komunitarju.

1.8.

Jinħtieġ li jiġu evitati l-ispejjeż mhux meħtieġa tar-regolamentazzjoni. L-ispejjeż tar-regolamentazzjoni għandhom ikunu proporzjonati mal-benefiċċji li jġibu magħhom.

1.9.

Il-KESE jemmen li kull leġislazzjoni għandha tkun ir-riżultat ta’ deliberazzjonijiet politiċi pubbliċi. F’dan ir-rigward, ir-rwol tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali huwa importanti ħafna, u huwa meħtieġ li jiġi żgurat qafas adegwat għad-djalogu soċjali u ċiviku ta’ kwalità, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-fehmiet espressi.

1.10.

Il-KESE jinnota li mhuwiex biss il-kontenut tal-leġislazzjoni iżda l-proċess leġislattiv stess li għandu jkun validu għall-futur biex jikkorrispondi mal-ħtiġijiet tan-negozji u taċ-ċittadini.

1.11.

Leġislazzjoni valida għall-futur għandha tkun soda dwar l-objettivi tagħha, dejjem konformi mal-objettivi mħaddna fit-trattat u flessibbli fil-qafas tat-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali. Ma tidħolx fid-dettalji, iżda sempliċiment tistabbilixxi qafas, li għandu jiġi traspost fil-ħin u b’mod adatt fil-livell nazzjonali, f’konsultazzjoni kemm mal-imsieħba soċjali kif ukoll mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili u b’kont meħud tal-fehmiet tagħhom. Jistħoqq li jiġi analizzat aktar l-użu ta’ klawsoli ta’ estinzjoni (sunset clauses) fuq perjodu ta’ żmien.

1.12.

Il-KESE huwa favur il-fatt li tingħata kjarifika tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità li huma xi kultant użati bħala l-argumenti ta’ dawk kontra inizjattivi leġislattivi mingħajr ma jiġi sostanzjat biżżejjed ir-raġunament sottostanti tagħhom.

1.13.

Is-soċjetà ċivili għandha tkun il-forum għal reazzjonijiet dwar leġislazzjoni valida għall-futur. Il-KESE jinsab f’qagħda tajba biex ikun l-intermedjarju bejn il-leġislatur u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali.

1.14.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-valutazzjonijiet tal-impatt fil-livell nazzjonali u Ewropew, inkluż it-test għall-SMEs, tal-miżuri leġislattivi u mhux leġislattivi kollha, b’mod li d-deċiżjonijiet politiċi jittieħdu b’għarfien tal-kawża u abbażi ta’ elementi konkreti. L-analiżijiet tal-impatt huma għajnuna għat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi; mhumiex sostitut għal dawk id-deċiżjonijiet.

1.15.

Il-KESE jitlob li jiġi kkonsultat meta l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jaqblu dwar l-irtirar ta’ proposti leġislattivi minħabba l-importanza li jiġi vvalutat l-impatt materjali u immaterjali ta’ tali rtirar.

1.16.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-Kunsill għandu jsir aktar trasparenti u li riforma futura tat-Trattati għandha tipprova ttejjeb il-koerenza tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill. Id-drittijiet tal-Parlament għandhom jissaħħu.

1.17.

Il-KESE jqis neċessarju li tiġi sfruttata iżjed il-kooperazzjoni msaħħa, filwaqt li jiġi evitat li din iddgħajjef ‘l-istituzzjonijiet.

1.18.

Il-KESE jenfasizza l-involviment tiegħu fil-proċessi konsultattivi li jridu jimxu id f’id mal-approfondiment tal-UEM. Il-Parlament Ewropew, iżda wkoll il-korpi konsultattivi, għandhom jiġu integrati aħjar fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew.

1.19.

Il-KESE huwa favur proċedura leġislattiva aċċellerata fit-trilogu biss f’każijiet ta’ emerġenza.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-Presidenza Slovakka talbet lill-KESE jagħti l-opinjoni tiegħu dwar “Leġislazzjoni valida għall-futur” u biex jirrifletti dwar kif l-UE tista’ ttejjeb il-leġislazzjoni sabiex din tadatta għall-bżonnijiet tal-ekonomija u tas-soċjetà fi żmien ta’ tibdil rapidu. Il-Presidenza qed tistaqsi kif wieħed jista’ jżomm l-ispejjeż regolatorji għan-negozji f’livell raġonevoli, mingħajr ma jiġu ttraskurati l-għanijiet tat-Trattati.

2.2.

Il-leġislazzjoni Ewropea hija valida għall-futur jekk tkun proattiva, progressiva u toffri ċarezza u prevedibbiltà ġuridika massima. Il-KESE għalhekk jappoġġja leġislazzjoni li tadatta ruħha u li fl-istess ħin għandha l-kapaċità li tantiċipa.

2.3.

Ir-regolamenti huma wkoll meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi politiċi tat-Trattati. L-Unjoni Ewropea hija ekonomija soċjali tas-suq u ċerti regoli għalhekk jirrappreżentaw spiża għall-kumpaniji, pereżempju fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol. Huwa l-bilanċ bejn l-għanijiet ekonomiċi u soċjali li jiggarantixxi l-paċi soċjali fl-Ewropa. Leġislazzjoni valida għall-futur għandha tirrispetta dan il-bilanċ u tippromovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

2.4.

Il-KESE jappoġġja u jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-leġittimità tal-leġislazzjoni Ewropea permezz ta’ tfassil aħjar tal-liġijiet iżda jenfasizza li l-għarfien ta’ x’inhu validu għall-futur ma jwassalx għad-depolitiċizzazzjoni tal-proċess leġislattiv. Il-KESE jemmen li kull leġislazzjoni għandha tkun ir-riżultat ta’ deliberazzjonijiet politiċi pubbliċi. F’dan ir-rigward, għandu jitqies ir-rwol importanti tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali fil-qafas tad-djalogu soċjali.

2.5.

Il-leġislazzjoni Ewropea hija valida għall-futur jekk titqies leġittima miċ-ċittadini. Għandha tkun ibbażata fuq ir-rappreżentazzjoni, il-kunsens u l-parteċipazzjoni, u għandu jkollha l-kapaċità li tipproduċi riżultati jew soluzzjonijiet għal problema kollettiva.

2.6.

Il-KESE jemmen li l-proċess leġislattiv Ewropew jistħoqqlu jiġi rivedut fil-qafas tat-Trattat ta’ Lisbona u, jekk meħtieġ, fil-kuntest ta’ Trattat ġdid sabiex il-politiki Ewropej jagħtu riżultati aħjar. Huwa preċiżament dan l-aspett ta’ leġislazzjoni valida għall-futur li l-KESE jixtieq jenfasizza, jiġifieri l-kwalità, il-leġittimità, it-trasparenza u n-natura inklużiva tagħha.

2.7.

Il-KESE jinnota li mhuwiex biss il-kontenut tal-leġislazzjoni iżda l-proċess leġislattiv stess li għandu jkun validu għall-futur biex jikkorrispondi mal-ħtiġijiet tan-negozji u taċ-ċittadini. Fi kliem ieħor, din hija kwistjoni li tirrigwarda d-demokrazija fil-livell Ewropew.

2.8.

Ir-rieda politika tar-rappreżentanti eletti u l-għażliet tagħhom huma għalhekk kruċjali. Kull leġislazzjoni tista’ tiġi analizzata skont il-kapaċità tagħha biex tittraduċi din ir-rieda politika fil-prattika, u tiġi ġġudikata skont il-kwalità demokratika tagħha. Il-KESE jipproponi wkoll li jiġi eżaminat mhux biss il-kontenut tal-leġislazzjoni iżda wkoll il-proċess leġislattiv.

2.9.

Dan il-kunċett ġdid ta’ “leġislazzjoni valida għall-futur” huwa marbut ma’ inizjattivi oħra biex itejbu l-leġislazzjoni. Il-KESE kemm-il darba tkellem fl-opinjonijiet (1) tiegħu dwar il-programm “Tfassil aħjar tal-liġijiet” u l-programm REFIT (2). Huwa jixtieq ifakkar dwar l-opinjoni tiegħu dwar approċċ proattiv tal-liġi (3).

2.10.

L-implimentazzjoni tal-programmi “Tfassil aħjar tal-liġijiet” u REFIT, dan tal-aħħar imniedi mill-Kummissjoni Ewropea fl-2012 biex jitkejlu l-ispejjeż amministrattivi tad-dispożizzjonijiet leġislattivi fis-seħħ u, fejn xieraq, jiġu eliminati, hija prijorità ewlenija tat-Triju Presidenzjali (in-Netherlands, is-Slovakkja u Malta) minn Jannar 2016 sa Ġunju 2017. Huwa evidenti li l-idea ta’ leġislazzjoni valida għall-futur taqa’ fil-loġika ta’ dawn il-programmi.

2.11.

Il-KESE jinnota li qed isiru sforzi biex tittejjeb il-kwalità tal-leġislazzjoni Ewropea u li dawn l-attivitajiet għandhom jiġu intensifikati. Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2015 (4) u l-Ftehim interistituzzjonali dwar “Tfassil aħjar tal-liġijiet” tat-13 ta’ April 2016 (5), filwaqt li jsostni li ma kienx assoċjat ma’ dan tal-aħħar..

2.12.

Il-KESE jemmen li leġislazzjoni ta’ kwalità għolja, sempliċi, li tinftiehem u koerenti, garantita mill-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill, hija kundizzjoni indispensabbli sabiex jitrawwem it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u jitħeġġu l-innovazzjoni, il-kompetittività tan-negozji – inklużi l-SMEs u l-mikrointrapriżi – u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità. Huwa wkoll importanti li jiġi implimentat bis-sħiħ is-Small Business Act fl-oqsma kollha.

2.13.

Ir-regolamentazzjoni Ewropea hija “hija fattur ta’ integrazzjoni essenzjali li ma tikkostitwixxix piż jew spiża li jridu jitnaqqsu. Jekk tkun proporzjonata kif xieraq, għall-kuntrarju hija garanzija ta’ protezzjoni, ta’ promozzjoni u ta’ sigurtà legali importanti għall-atturi u ċ-ċittadini Ewropej kollha” (6).

2.14.

Il-KESE jfakkar fl-importanza tal-prinċipji diġà definiti biex tiġi żgurata leġislazzjoni xierqa. Dawn jinkludu l-prinċipji ta’ implimentazzjoni korretta f’waqtha, tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, il-prinċipju tal-prekawzjoni, tal-prevedibbiltà, ta’ “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, tad-dimensjoni esterna tal-kompetittività u tat-test tas-suq intern.

2.15.

Aspett ġdid tal-leġislazzjoni jidher li qed isir aktar importanti għall-Kunsill: il-prinċipju tal-innovazzjoni. Dan il-prinċipju, li jimplika li jitqies l-impatt fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni waqt it-tfassil u r-reviżjoni tar-regolamentazzjoni, huwa wieħed mill-ħafna kriterji li jippermettu l-valutazzjoni tal-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni fl-oqsma ta’ natura teknika, teknoloġika u xjentifika. Madankollu, għandu jintuża b’mod intelliġenti u bi prudenza, b’mod partikolari fl-oqsma tal-protezzjoni soċjali u ambjentali, is-saħħa u l-ħarsien tal-konsumatur.

2.16.

Mill-konklużjonijiet tal-Kunsill “Kompetittività” tal-UE (7) jirriżulta li jrid jiġi applikat il-“prinċipju tal-innovazzjoni”, li jimplika li jitqies l-impatt fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni waqt it-tfassil u r-reviżjoni tar-regolamentazzjoni, l-oqsma kollha ta’ azzjoni meqjusa flimkien. Dan huwa rifless ukoll fit-talba tal-Presidenza Slovakka kif ukoll fi studju reċenti tas-CEPS (8), li skonthom l-adozzjoni ta’ regoli stretti wisq tista’ tfixkel l-investimenti u joħnoq l-innovazzjoni. Din l-interpretazzjoni tidħol ukoll fil-loġika tal-programm REFIT.

2.17.

Il-KESE jemmen li l-użu ta’ dan il-prinċipju ġdid għandu jiġi definit minn qabel u l-użu tiegħu speċifikat b’mod preċiż.

2.18.

Għall-KESE, il-prinċipju tal-innovazzjoni għandu jkollu l-istess piż li għandhom il-kriterji l-oħra msemmija fil-punt 2.14 u użati mill-Kummissjoni biex tanalizza l-impatt ta’ proposta leġislattiva. Għalhekk għandu jintlaħaq bilanċ bejn il-prinċipju tal-innovazzjoni u l-kriterji oħra u jiġi assigurat li wieħed ma jieħux preċedenza fuq l-oħrajn.

2.19.

Il-KESE jissuġġerixxi lill-Presidenza Slovakka tkompli l-eżami tal-potenzjal li joffri l-prinċipju tal-innovazzjoni, filwaqt li jsir skambju tal-aħjar prattiki. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex, fuq din il-bażi tagħmel rapport dwar l-opportunitajiet u l-impatt ta’ dan il-prinċipju ġdid.

2.20.

L-għan tal-leġislazzjoni Ewropea għandu dejjem ikun li jinħoloq qafas legali li jippermetti lin-negozji u liċ-ċittadini jgawdu l-vantaġġi u l-libertajiet tas-suq intern, jiġifieri li jippromovi l-isforzi innovattivi fl-Ewropa. Dan jimplika li jiġu evitati piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, filwaqt li r-regoli mfassla ħażin, skaduti u ta’ piż għandhom jiġu riveduti jew jitneħħew.

2.21.

Il-KESE jemmen li l-ispejjeż tar-regolamentazzjoni għandhom ikunu proporzjonati mal-benefiċċji li ġġib magħha. L-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi bla bżonn għandhom jiġu evitati fl-interess tan-negozji, iċ-ċittadini u l-amministrazzjonijiet responsabbli għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni. Huwa importanti li l-profitt nett u l-valur miżjud ta’ regolamentazzjoni jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż għan-negozji u s-soċjetà inġenerali.

3.   Proposti prospettivi għal leġislazzjoni valida għall-futur

3.1.

Il-KESE jinsisti li l-kunċett ta’ “leġislazzjoni valida għall-futur” jiġi definit aħjar. Għandu jirrispetta l-valuri u l-objettivi tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikoli 1 u 2 tat-Trattat ta’ Lisbona. Għalhekk, il-prinċipju tal-innovazzjoni, li huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-Presidenza Slovakka (9) u għaldaqstant marbut mill-qrib mal-kunċett ġdid ta’ leġislazzjoni valida għall-futur, għandu jkun applikabbli.

3.2.

L-innovazzjoni hija waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tkabbir sostenibbli tal-Ewropa. Kwalunkwe leġislazzjoni, kemm jekk tkun Ewropea kif ukoll nazzjonali, għandha tevita li n-negozji, speċjalment l-SMEs li ma tantx għandhom mezzi, ikunu soġġetti għal piżijiet bla bżonn. L-innovazzjoni u l-kompetittività huma l-bażi għas-suċċess tal-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew. L-innovazzjoni teħtieġ qafas regolatorju ta’ kwalità. L-interazzjoni bejn il-leġislazzjoni u l-innovazzjoni hija kumplessa u ma tistax titqies mil-lat kwantitattiv biss, fid-direzzjoni ta’/b’orjentazzjoni lejn aktar jew inqas leġislazzjoni (10).

3.3.

Il-KESE jemmen li l-użu ta’ klawsoli ta’ estinzjoni fil-leġislazzjoni Ewropea sabiex jiġu evitati ostakoli burokratiċi futuri jistħoqqilha tiġi analizzata aktar.

3.4.

Leġislazzjoni valida għall-futur għandha tkun soda dwar l-obbjettivi tagħha, dejjem b’mod koerenti mal-għanijiet tat-Trattati, u flessibbli fil-qafas tat-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali, fir-rispett tal-prinċipji msemmija hawn fuq. Ma tidħolx fid-dettalji, iżda sempliċiment tistabbilixxi qafas li jista’ jkun supplimentat, fejn hu xieraq, permezz ta’ strumenti mhux leġislattivi, jew ta’ regolaturi nazzjonali, l-imsieħba soċjali jew skemi awtoregolatorji, dawn tal-aħħar huma dejjem taħt il-kontroll tal-leġislatur fil-livell xieraq.

3.5.

Il-KESE huwa favur il-fatt li ssir kjarifika tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Ir-rispett tas-sussidjarjetà, jew pjuttost tat-tqassim tal-kompetenzi, huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-UE bħala spazju legali komuni. Madankollu, dawn iż-żewġ prinċipji xi kultant jintużaw bħala l-argumenti ta’ dawk kontra inizjattivi leġislattivi mingħajr ma jiġi sostanzjat biżżejjed ir-raġunament sottostanti tagħhom. Hemm bżonn kjarifika tal-kriterji li jiddeterminaw l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. L-ispazju legali tal-Unjoni Ewropea għandu jkun wieħed u indiviżibbli.

3.6.

Il-KESE jemmen li hemm bżonn li jiġi eżaminat fl-ewwel lok il-proċess leġislattiv fil-livell Ewropew biex tittejjeb il-kwalità tal-leġislazzjoni. Jeżistu għadd kbir ta’ inizjattivi biex itejbu l-proċess leġislattiv, iżda l-partijiet interessati f’dan il-proċess ma jaqblux dwar il-mezzi. Il-KESE jirreferi għal-linji gwida tal-Kummissjoni inklużi fil-programm tagħha “Tfassil aħjar tal-liġijiet” (19 ta’ Mejju 2015) u l-ftehim interistituzzjonali (Diċembru 2015/16, April 2016), ir-rapport Brok-Bresso (Frar 2016), ir-rapport Hübner (Marzu 2016), ir-rapport Giegold (fl-aħħar ta’ Mejju 2016) u notevolment, is-Small Business Act (Frar 2011). Jiġbed ukoll l-attenzjoni dwar il-proposti tal-gvernijiet u tal-parlamenti tal-Istati Membri, dwar inizjattivi bħal dawk tal-European Movement International (EMI) u tal-Federalisti Ewropej (UEF), kif ukoll il-kontributi tal-istituzzjonijiet ta’ riċerka u tal-gruppi ta’ riflessjoni (think tanks).

3.7.

Is-soċjetà ċivili organizzata għandha importanza deċiżiva għall-iżvilupp tal-opinjoni pubblika Ewropea. L-Ewropa għandha bżonn ta’ opinjoni pubblika inqas frammentata li sservi ta’ forum għal reazzjonijiet dwar leġislazzjoni Ewropea valida għall-futur. Bħala korp li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili organizzata fl-Ewropa, il-KESE jinsab f’pożizzjoni tajba sabiex jiffaċilita kunsens bejn l-atturi differenti tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha, u anke fl-Istati Membri. Preċiżament, huwa intermedjarju importanti bejn il-leġislatur u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali.

3.8.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-valutazzjonijiet tal-impatt, b’mod partikolari għall-SMEs. Dawn għandhom jiġu riflessi fil-proċess leġislattiv, iżda ma jistgħux jissostitwixxu l-proċess politiku.

3.9.

Is-simplifikazzjoni ta’ liġijiet diffiċli biex jinftiehmu u xi kultant diffiċli li jiġu implimentati, jew l-abbandun ta’ regolamenti li saru superfluwi, jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u għall-atturi ekonomiċi, u b’hekk jikkontribwixxu għal ambjent favur it-tkabbir u l-ħolqien ta’ iktar impjiegi ta’ kwalità (“ambjent abilitanti”). Madankollu, il-KESE jitlob li jiġi kkonsultat meta l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jaqblu dwar l-irtirar ta’ proposti leġislattivi. F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġu evalwati l-konsegwenzi materjali u immaterjali għal tali rtirar u li l-KESE jkun infurmat.

3.10.

It-Trattat ta’ Lisbona għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew kif ukoll il-metodu Komunitarju. Fil-kuntest tal-kriżi, il-Kunsill Ewropew sar il-pedament tas-sistema istituzzjonali Ewropea. Il-KESE jemmen li din il-prattika għandha tiġi kkoreġuta. Leġislazzjoni Ewropea valida għall-futur għandha tkun ibbażata fuq il-metodu Komunitarju.

3.11.

Il-laqgħat tal-formazzjonijiet tal-Kunsill li jaħdmu b’maġġoranza kwalifikata għandhom ikunu pubbliċi, għal finijiet ta’ aktar trasparenza u aktar demokrazija. Il-votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill għandha tkun ir-regola. Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li riforma futura tat-Trattati għandha tipprova ttejjeb il-koerenza tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill, billi l-formazzjonijiet tiegħu attwalment isegwu politiki parzjalment kontradittorji b’konsegwenzi ovvji fuq il-kwalità tal-leġislazzjoni.

3.12.

L-estensjoni tad-drittijiet tal-Parlament Ewropew prevista fit-Trattati mingħajr ma saret realtà, għandha ssir mill-aktar fis possibbli. Barra minn hekk, id-dritt ta’ inizjattiva limitata introdott mit-Trattat ta’ Lisbona (Artikolu 225 tat-TFUE) għandu jiġi applikat aktar skont it-termini ta’ dak it-Trattat. M’għandhiex tkun possibbli ċaħda mill-Kummissjoni ħlief għal raġunijiet formali, b’mod partikolari meta l-bażi tal-ħiliet mhijiex suffiċjenti.

3.13.

Id-differenzi f’termini tar-ritmu ta’ integrazzjoni ilhom realtà fl-UE u dawn id-differenzi huma inevitabbli fil-ġejjieni, fir-rigward ta’ għadd ta’ Stati Membri. F’dan il-kuntest, il-KESE jemmen li hemm bżonn li jkun hemm aktar kooperazzjoni msaħħa. Fl-istess ħin, għandu jiġi evitat li l-istituzzjonijiet tal-UE ma jiddgħajfux minn ġeometrija varjabbli ta’ proġetti ta’ integrazzjoni Ewropea. Il-kooperazzjoni msaħħa għandha topera fuq il-bażi ta’ maġġoranza kwalifikata.

3.14.

Il-KESE jappoġġja t-talba tal-Parlament Ewropew biex l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) tkun trasformata fi “gvern ekonomiku effikaċi u demokratiku” u jerġa’ jinsisti fuq l-involviment tiegħu fil-proċessi konsultattivi li għandhom jimxu id f’id ma’ tali approfondiment tal-UEM, jekk irridu li s-soċjetà ċivili tidentifika magħha.

3.15.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-proċedura leġislattiva aċċellerata fit-trilogu m’għandhiex tiġi applikata ħlief f’każi ta’ emerġenza, li fil-fatt huwa konformi mal-kundizzjonijiet tat-Trattat. Kuntrarjament għall-kumitati tal-Parlament Ewropew, il-laqgħat tat-trilogu la huma trasparenti u lanqas aċċessibbli. Il-limitazzjoni tal-proċedura leġislattiva għal qari wieħed biss twassal għal-limitazzjoni tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.

3.16.

Il-KESE jemmen li l-istrumenti u l-proċeduri introdotti b’riżultat tal-kriżi finanzjarja u l-kriżi tal-euro għandhom jiġu integrati aħjar fil-qafas leġislattiv Ewropew. Il-Parlament Ewropew, iżda wkoll il-korpi bħall-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) u l-KESE, għandhom jiġu integrati aħjar fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew. Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà għandu jkun marbut mal-qafas leġislattiv tal-UE.

3.17.

Fir-rigward tal-atti delegati, il-Kummissjoni Ewropea għandha żżid aktar trasparenza għat-teħid tad-deċiżjonijiet (ara l-Artikolu 290 tat-TFUE), fatt li l-Kumitat enfasizza diversi drabi.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Lista tal-opinjonijiet u rapporti ta’ informazzjoni tal-KESE.

(2)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 66ĠU C 303, 19.8.2016, p. 45.

(3)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 26.

(4)  Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE – COM(2015) 215 final.

(5)  Tfassil aħjar tal-liġijiet ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(6)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 45.

(7)  Konklużjonijiet tal-Kunsill “Kompetittività”26 ta’ Mejju 2016 (punt 2), http://www.consilium.europa.eu/register/fr/content/out/?&typ=ENTRY&i=ADV&DOC_ID=ST-9580-2016-INIT

(8)  Iċ-Ċentru għall-Istudji tal-Politiki Ewropej (CEPS) huwa grupp ta’ riflessjoni ibbażat fi Brussell.

(9)  http://www.eu2016.sk/data/documents/presidency-programme-fra-nahlad2.pdf.

(10)  Better regulations for innovation-driven investment at EU level, dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/research/innovation-union/pdf/innovrefit_staff_working_document.pdf (Mhux disponibbli bil-Malti).


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

519 Sessjoni Plenarja tal-KESE fl-21 u l-22 ta' Settembru 2016

28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/57


Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas ġuridiku tal-Unjoni għal ksur doganali u sanzjonijiet”

[COM(2013) 884 final – 2013/0432 (COD)]

(2016/C 487/08)

Relatur Ġenerali:

is-Sur Antonello PEZZINI

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 22/06/2016

Bażi legali

L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Is-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sessjoni plenarja

21/09/2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

173/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dejjem appoġġja l-fatt li Unjoni doganali li tkun effiċjenti tirrappreżenta element essenzjali tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, sabiex jiġi żgurat moviment liberu tal-merkanzija li jkun sigur u trasparenti skont ir-regoli ta’ kompetizzjoni u bl-ogħla livell ta’ ħarsien tal-konsumaturi u tal-ambjent u ġlieda effettiva kontra l-ksur, il-frodi u l-falsifikazzjoni u sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-kummerċ leġittimu.

1.2.

Il-Kumitat isostni b’konvinzjoni l-għanijiet tal-proposta tal-Kummissjoni, sakemm il-miżuri ssuġġeriti jkollhom l-għan li:

jikkostitwixxu l-ewwel pass lejn proċedura effettiva ta’ Dwana Ewropea unika, li tkun magħmula minn governanza unitarja, korpi amministrattivi u ġuriżdizzjonali komuni tad-dwana bħal: Tribunal Ewropej tad-Dwana, korp ta’ applikazzjoni komuni tar-regoli tal-kodiċi doganali, sistema ta’ informazzjoni unika, bi proċeduri ta’ konformità uniformi; interpretazzjoni regolatorja ċara li tkun kapaċi tiffaċilita l-iżvilupp tal-kummerċ intern u estern tal-UE;

jagħtu ċertezza regolatorja u ta’ applikazzjoni b’mod uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni permezz ta’ proċedura omoġenja ta’ akkwiżizzjoni u ta’ inkriminazzjoni ta’ ksur u ta’ miżuri ta’ sanzjonar li huma ċivili u mhux penali, u huma proporzjonati għad-dazji evitati u għas-serjetà tagħhom f’dak li jirrigwarda l-limiti komuni minimi u massimi, inklużi l-possibbiltajiet ta’ sanzjonijiet mhux pekunarji;

idaħħlu bħala parti integrali mir-regoli, sistemi komuni u infurzati ta’ prevenzjoni u deterrenza tal-ksur bl-għajnuna ta’ mudellar tal-ICT ta’ konformità u sistemi ta’ twissija rapida awtomatika;

jipprovdu mekkaniżmi komuni ta’ kompożizzjoni tal-kwistjonijiet u ta’ tranżizzjoni tas-sanzjonijiet imposti biex jiġi simplifikat u mħaffef l-iżvilupp tal-kummerċ Ewropew u sabiex jiġu evitati proċeduri legali twal u għaljin;

iwieġbu b’mod komprensiv għall-obbligi li jirriżultaw mill-oqfsa ta’ referiment internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO).

1.3.

Il-KESE jitlob li fl-għanijiet tad-Direttiva jiġi stabbilit li tali strument, li jippermetti tqarrib b’mod gradwali iżda b’mod neċessarju lejn proċedura unitarja unika regolatorja, ta’ applikazzjoni u interpretattiva, jiddakkar bil-kontroll u s-sorveljanza tas-suq, li huma bbażati fuq mekkaniżmi awtomatiċi ta’ inkriminazzjoni, u li ma jwaqqfux l-iżvilupp tal-kummerċ Ekonomiku leġittimu.

1.4.

Il-Kumitat jirrakkomanda li r-rapport biennali li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew (PE), lill-Kunsill u lill-KESE, flimkien mal-valutazzjoni tal-livell ta’ konverġenza sabiex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni l-ġdida fil-livell territorjali, għall-istadji li jmiss tal-proċess għandu juri proposta ta’ indikaturi lejn il-ħolqien ta’:

Aġenzija Ewropea Doganali vera u proprja,

Tribunal Ewropew Doganali,

l-istabbilment ta’ korp doganali komuni, effikaċi u effettiv, biex jiġu allinjati s-sistemi doganali ta’ ksur u sanzjonijiet, fuq bażi regolatorja u ta’ applikazzjoni unika u b’interpretazzjoni ċara.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-Unjoni Doganali (UD) hija l-bażi tal-Unjoni Ewropea. Mill-perspettiva tar-regoli sostanzjali u proċedurali, il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni ilha kompletament armonizzata sa mill-1992. Mill-2013 ġie adottat il-Kodiċi Doganali l-ġdid (Kodiċi Doganali tal-Unjoni – KDU), ir-Regolament (UE) Nru 952/2013, li se jidħol fis-seħħ mill-2016.

2.2.

Il-kwistjonijiet doganali, f’dak li għandu x’jaqsam mal-aspetti regolatorji, jaqgħu taħt il-kwistjonijiet ta’ kapaċità esklussiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3 tat-TFUE, filwaqt li l-attivitajiet marbuta mal-organizzazzjoni tal-kontrolli, is-sistema ta’ sanzjonar kif ukoll l-attivitajiet ta’ applikazzjoni regolatorja li jaqgħu taħt il-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet penali (Titolu V tat-TFUE) huma relatati mal-kapaċità tal-Istati Membri.

2.3.

L-operazzjonijiet doganali tal-UE jirrappreżentaw madwar 16 % tal-kummerċ dinji hekk kif iwasslu għal importazzjonijiet u esportazzjonijiet li l-valur tagħhom huwa ta’ aktar minn EUR 3 500 biljun fis-sena. Id-dazji doganali miġbura fl-2013 ammontaw għal EUR 15,3 biljun, kważi 11 % tal-bilanċ tal-UE.

2.4.

Is-sistemi nazzjonali ta’ ksur u ta’ sanzjonijiet doganali mhux armonizzati jistgħu jwasslu biex il-kummerċ illegali jimxi lejn l-Istati Membri li fihom ir-riskji li wieħed jiġi skopert huma minimi u fejn is-sanzjonijiet huma inferjuri, filwaqt li l-kumpaniji li joperaw kif xieraq iridu jħabbtu wiċċhom ma’ spejjeż aktar għoljin meta joperaw permezz ta’ aktar ġuriżdizzjonijiet u fejn bosta proċeduri ta’ sanzjonijiet jirriskjaw li jbiddlu l-flussi kummerċjali u l-iskemi ta’ attività ekonomika fis-suq uniku u jagħtu vantaġġi lill-kumpaniji li joperaw f’pajjiżi b’kontrolli doganali anqas severi.

2.5.

Mill-Programm Dwana 2013, ġew analizzati l-proċeduri nazzjonali tal-Istati Membri li huma applikabbli għall-ksur u għas-sanzjonijiet doganali, filwaqt li ġie osservat numru konsiderevoli ta’ differenzi bejn il-proċeduri kif ġie affermat minn analiżi riċenti fil-fond (1).

2.6.

Fil-fatt, il-ġlieda kontra l-ksur tar-regoli doganali ssegwi 28 (2) proċedura ġuridika differenti u tradizzjonijiet amministrattivi jew ġuridiċi differenti b’varjetà kbira fid-definizzjonijiet u fil-gravità ta’ tali sanzjonijiet: in-nuqqas ta’ uniformità fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali jaffettwa l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u li dawn għandhom ikunu omoġenji fis-suq intern.

2.7.

Id-differenzi fl-applikazzjoni regolatorja jirrigwardaw b’mod partikolari: in-natura tas-sanzjonijiet amministrattivi u/jew penali, it-tipoloġija tas-sanzjonijiet, il-limiti u l-entitajiet tal-ksur, is-sistemi ta’ kompożizzjoni/tranżazzjoni, il-livelli u t-tipi ta’ responsabbiltà, il-fatturi aggravanti jew attenwanti, il-limitazzjonijiet taż-żmien u ta’ preskrizzjoni u r-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi.

2.8.

Huwa neċessarju li jingħelbu d-diffukaltajiet ta’ applikazzjonijiet u hemm bżonn li jiġu implimentati sistemi doganali Ewropej armonizzati, skont il-prinċipju tad-dwana unika, u li fihom l-Istati Membri jippermettu mekkaniżmi ta’ kompożizzjoni tal-kwistjonijiet għal-likwidazzjonijiet, fil-każ ta’ ksur doganali, skont in-natura u l-entità tal-ksur, filwaqt li wieħed jipprova jevita proċeduri legali twal u għaljin għaż-żewġ partijiet.

2.9.

Mill-bqija, wieħed jeħtieġ iżomm f’moħħu li l-Unjoni Doganali hija element operattiv mill-maġġoranza tal-miżuri ta’ politika kummerċjali tal-UE u timplimenta għadd ta’ ftehimiet internazzjonali, li huma marbuta mal-flussi kummerċjali, u li jiżviluppaw, permezz tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, proċessi orizzontali ta’ ġestjoni tad-dejta importanti, ġestjoni tal-operaturi kummerċjali u applikazzjonijiet: id-differenzi ta’ applikazzjoni, fis-sistema Ewropea diġà kienu s-suġġett ta’ lmenti quddiem id-WTO.

2.10.

Fid-dawl tal-problemi serji ta’ funzjonament li qed tiffaċċja l-Unjoni Doganali, minħabba d-differenzi ta’ applikazzjoni tar-regoli, li jirriskjaw li jikkompromettu l-effikaċja globali, il-KESE diġà kellu l-mod li jenfasizza l-ħtieġa li “tiġi segwita politika doganali unika, abbażi ta’ proċeduri uniformi, aġġornati, trasparenti, effikaċi u ssemplifikati, u li din tista’ tikkontribwixxi għall-kompetittività ekonomika tal-UE, fil-livell globali” (3).

2.11.

Jeħtieġ, kif imtenni mill-KESE (4), li għall-fini li jitwettaq suq intern proprju, jiġu żgurati żminijiet reali u ċerti ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni, interpretazzjonijiet uniformi tar-regoli doganali tal-Unjoni, u li din għandha taġixxi bħala amministrazzjoni unika, għat-twettiq ta’: trattamenti uniformi tal-ħaddiema, fi kwalunkwe punt tat-territorju doganali tal-UE; faċilitazzjonijiet ta’ aċċess għall-istatus ta’ ħaddiem ekonomiku awtorizzat; aġġornament iddettaljat tal-ħaddiema kollha interessati; proċeduri ta’ informazzjoni; formazzjoni ta’ kwalità tar-riżorsi umani. Essenzjalment, irridu nkunu kapaċi nwasslu Dwana Ewropea unika.

2.12.

B’passi effikaċi biss ‘il quddiem lejn Dwana Ewropea unika u strutturi ta’ goveranza xierqa jista’ jinħoloq rimedju għal funzjonament operattiv tal-Unjoni Doganali li għadu kumpless u mhux omoġenju.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1.

L-objettiv prinċipali tal-proposta ta’ Direttiva tal-Kummissjoni huwa dak li jintlaħaq, permezz ta’ Direttiva ta’ armonizzazzjoni, qafas legali komuni ta’ referiment, bil-għan li jintlaħaq/tintlaħaq:

trattament ugwali tal-ħaddiema ekonomiċi;

ħarsien effikaċji tal-interessi finanzjarji tal-UE;

applikazzjoni regolatorja effettiva fil-qasam tal-ksur u s-sanzjonijiet doganali;

sitwazzjoni ta’ ċertezza tad-dritt (lex certa) u ta’ kundizzjonalità u proporzjonalità tas-sanzjoni (nulla poena sine culpa);

garanzija li jitħarsu r-regoli doganali b’mod uniformi fl-UE kollha bl-applikazzjoni armonizzata ta’ regolamentazzjoni tal-ksur u tas-sanzjonijiet doganali sabiex jiġu evitati sistemi nazzjonali ta’ ksur u interventi ta’ sanzjoni differenti ħafna, b’mod li jbiddlu r-regoli tal-kompetizzjoni u jikkondizzjonaw il-moviment ħieles tal-merkanzija.

3.2.

B’mod partikolari, l-eżekuttiv tal-Komunità, fid-dawl tal-bażi legali ppreferuta, l-Artikolu 33 tat-TFUE, ippropona:

li tiġi kkaratterizzata lista twila ta’ sitwazzjonijiet sanzjonati maqsuma fi tliet makro-kategoriji: sitwazzjonijiet sanzjonati f’każ ta’ responsabbiltà oġġettiva (kunċett li huwa simili għar-responsabbiltà oġġettiva) f’każ ta’ ħtija jew negliġenza, jew f’każ ta’ frodi;

skala ta’ sanzjonijiet “effettivi, proporzjonati u dissważivi” għal kull waħda mill-kategoriji skont dawk li huma l-kriterji affermati tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (5);

firxa wiesgħa ta’ sanzjonijiet li għandhom ikunu applikati, mill-1 għal 30 % tal-valur tal-merkanzija jew stabbilita f’miżura fissa jekk il-ksur ikun ibbażat fuq ċerti stati jew awtorizzazzjonijiet;

l-introduzzjoni, biex jingħelbu d-differenzi ta’ limiti ta’ żmien tas-setgħa punittiva, ta’ limitu ta’ żmien ta’ 4 snin mill-jum tal-ksur jew f’każ ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza mill-jum li fih dan jieqaf;

l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ sospensjoni tal-proċedura amministrattiva, f’każ li fih għall-istess fatti tinbeda proċedura penali;

inċentiv ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri.

3.3.

Il-proposta, ippreżentata tliet snin ilu mill-Kummissjoni Ewropea, għaddiet mill-Parlament Ewropew u għall-oġġezzjonijiet ta’ bosta Stati Membri. Il-Parlament Litwen oġġezzjona li “l-bażi ġuridika ppreferuta (l-Artikolu 33, tat-TFUE) għall-proposta ma tawtorizzax lill-Unjoni sabiex tadotta miżuri li huma mfassla biex jistabbilixxu qafas relatat mal-ksur tar-regoli doganali tal-Unjoni u għas-sanzjonijiet għal tali ksur” (6), peress li mhijiex konformi mal-prinċipju ta’ sussidarjetà, b’mod partikolari fejn dan ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ għoti, li skontu l-Unjoni tintervjeni b’mod uniku jekk it-trattati jipprovdu bażi ġuridika għall-intervent tagħha.

3.4.

Issal-Parlament Ewropew ħa f’idejh l-eżami tal-proposta, u assenja l-abbozzar tal-opinjoni tiegħu lill-Onerevoli Kaja Kallas, relatur għall-Kumitat IMCO, li talab l-estensjoni tal-bażi ġuridika anke għall-Artikolu 114 tat-TFUE (7), li jipprevedi l-konsultazzjoni obbligatorja tal-KESE, kif indikat fl-ittra ta’ konsultazzjoni tal-KESE min-naħa tal-President tal-Kumitat IMCO tal-Parlament Ewropew.

3.5.

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ ma’ din l-għażla, u jenfasizza l-importanza ta’ sistema doganali omoġenja u li, issa aktar minn qatt qabel, tkun tista’ tagħti valuri u unità, mhux biss għas-suq intern, iżda għas-soċjetà Ewropea kollha għat-tfittxija ta’ sistemi unitarji.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dejjem appoġġja l-fatt li Unjoni doganali li tkun effiċjenti tirrappreżenta element essenzjali tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, sabiex jiġi żgurat moviment liberu tal-merkanzija, fid-dawl tar-regoli ta’ kompetizzjoni u bl-ogħla livell ta’ ħarsien tal-konsumaturi u tal-ambjent.

4.2.

Il-KESE jqis fundamentali approċċ komuni fir-rigward tal-prevenzjoni, id-dissważjoni u l-identifikazzjoni ċara tal-ksur u ta’ ġestjoni uniformi ta’ tbassir ta’ sanzjonijiet, inklużi sistemi ta’ kompożizzjoni amikevoli, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u mhux diskriminatorja tal-leġiżlazzjonijiet Ewropej fit-territorju kollu, kif inhu ddikjarat fl-Artikolu 3 tat-TFUE.

4.3.

Il-KESE jsostni b’konvinzjoni aċċelerazzjoni tal-proċess evoluzzjonarju lejn dwana Ewropea unika u effettiva b’governanza unitarja, b’Aġenzija Ewropea tad-dwana u l-introduzzjoni ta’ istanzi amministrattivi u ġuriżdizzjoni komuni (8), b’Tribunal Ewropew tad-dwana (9), fuq l-eżempju tas-sistema tal-Amerika ta’ Fuq għall-applikazzjoni ta’ sistema unika għall-ksur u ta’ sistema ta’ sanzjonijiet unitarja tal-aħħar istanza, integrata mill-attivazzjoni ex-ante ta’ sistemi ta’ prevenzjoni u minn sistemi ta’ kompożizzjoni/tranżazzjoni li jimmiraw għat-trażżin/eliminazzjoni ta’ tilwim għali u jippenalizzaw il-kummerċ komunitarju, speċjalment għall-kumpaniji żgħar u medji.

4.4.

Skont il-Kumitat, l-uniformità ta’ applikazzjoni tar-regoli doganali Ewropea għandha tinkludi wkoll il-fażi tat-tilwim għall-ħaddiema ekonomiċi, kemm mill-perspettiva tas-suq intern kif ukoll minn dik internazzjonali, u anke l-approċċ ex-ante ta’ prevenzjoni, ibbażat fuq soluzzjonijiet telematiċi tal-ICT, ċari u infurzati, sabiex jiġu evitati volumi kbar ta’ xogħol burokratiku ta’ identifikazzjoni.

4.4.1.

Il-Kumitat itenni l-importanza tal-implimentazzjoni ta’ politika doganali unika “bbażata fuq proċeduri uniformi, trasparenti, effettivi, effiċjenti u semplifikati, li permezz tagħhom l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tiffaċċja l-kompetituri dinjija u li permezz tagħhom id-drittijiet u s-sigurtà tal-kumpaniji u l-konsumaturi Ewropej, fosthom il-proprjetà intellettwali jistgħu jiġu protetti […]” (10).

4.5.

Il-KESE huwa konvint li kwalunkwe sistema Ewropea ta’ ksur, kompożizzjoni u tranżazzjoni ta’ sanzjoni, għandha tkun akkumpanjata minn miżuri inklużivi tal-elementi l-oħrajn kollha li jagħmlu parti mis-sistema ta’ applikazzjoni ġenerali tar-regoli, bħas-sorveljanza, il-kontroll, l-investigazzjoni u l-monitoraġġ.

4.6.

Il-Kumitat iqis fundamentali li jagħti ċertezza regolatorja u ta’ applikazzjoni, b’mod uniformi, fit-territorju kollu tal-Unjoni, bi proċedura omoġenja ta’ akkwiżizzjoni u inkriminazzjoni tal-ksur, għal kategorji li huma ċerti u definiti sew, u ta’ miżuri ta’ sanzjonar, ċivili u mhux penali u li huma proporzjonati għas-serjetà tagħhom, fil-qasam tal-limiti komuni minimi u massimi, li jeħtieġu konverġenza ta’ indirizzi u li jipprovdu anke sanzjonijiet differenti minn dawk pekunarji.

4.7.

Skont il-KESE, dan l-ewwel pass ta’ konverġenza tal-proċeduri ta’ ksur u sanzjoni tar-regoli doganali komuni, għandu:

jikkonforma t-termini ta’ preskizzjoni mal-perjodi ta’ preskrizzjoni għan-notifika ta’ obbligu doganali għal tliet snin, kif previst mill-kodiċi doganali;

jiżgura li l-ksur jiġi sanzjonat skont il-livell ta’ ħtija;

ikejjel is-sanzjonijiet pekunarji b’mod proporzjonat u skont id-dazji evitati u mhux tal-valur tal-merkanzija.

4.8.

Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li tiġi żgurata l-interoperabbiltà sħiħa tal-bażijiet tad-dejta differenti li jeżistu fis-sistema Ewropea għas-sorveljanza tas-suq, sabiex jiżdiedu l-kapaċitajiet dissważivi tal-ksur, abbażi ta’ strateġija komuni u b’appoġġ qawwi mill-programmi Komunitarji, bil-għan li tiġi żgurata l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet differenti, fil-livelli differenti, f’ħin reali, b’mod partikolari f’każijiet ta’ ksur u sanzjonijiet ta’ entità gravi u anke bil-għan li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali u jiġu ssimplifikati l-proċeduri għal dak legali.

4.9.

F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kumitat huwa favur li l-inklużjoni tal-Artikolu 114, minbarra l-Artikolu 33 fil-bażi legali tal-proposta, billi l-miżuri tal-Artikolu 114 tat-TFUE għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern u jikkontribwixxu għall-eliminazzjoni tat-tfixkil tal-kompetizzjoni, bħal fl-ispirtu tal-proposta leġiżlattiva kkonċernata.

4.10.

Il-KESE jitlob, sakemm ikun hemm Unjoni doganali effettiva, li jissaħħu l-azzjonijiet tal-UE għall-formazzjoni u l-iżvilupp ta’ riżorsi umani kkwalifikati u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tal-qafas regolatorju komunitarju, anke permezz ta’ interventi tal-kapaċitajiet amministrattivi u l-formazzjoni ta’ nukleu ta’ qawwa doganali komuni, li jiżgura applikazzjoni uniformi tas-sistemi ta’ sanzjoni, ta’ kompożizzjoni u ta’ tranżazzjoni.

4.11.

Il-Kumitat jirrakkomanda li fir-rapport li l-Kummissjoni għandha tippreżenta fuq bażi biennali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-KESE, ma tiddaħħalx biss valutazzjoni tal-livell ta’ konverġenza implimentattiva tal-Istati Membri, iżda wkoll u fuq kollox viżjoni sinottika tal-indikaturi ewlenin ta’ prestazzjoni tas-sanzjonijiet doganali, tad-diffużjoni tal-aħjar prattiki, tal-effettività tas-servizzi relatati, tal-effettività tal-qafas leġiżlattiv tal-komunità adottat, sabiex jiġu vvalutati l-passi li ġejjin tat-triq lejn il-ħolqien ta’ Aġenzija Ewropea tad-dwana proprja, ta’ Tribunal Ewropew tad-dwana u l-formazzjoni ta’ korp doganali komuni effikaċji u effiċjenti.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  L-Istudju - Analysis and effects of the different Member States’ customs sanctioning systems (Analiżi u effetti tas-sistemi ta’ sanzjonar doganali tal-Istati Membri differenti). PE 569.990 – Jannar 2016.

(2)  Bħalissa.

(3)  Ara ĠU C 229 tal-31.7.2012, p. 68.

(4)  Cfr. Opinjonijiet tal-KESE ĠU C 229 tal-31.7.2012, p. 68ĠU C 251 tal-31.7.2015, p. 25.

(5)  Cfr. Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li saru għall-kawżi C-382/92 u C-91/02.

(6)  Cfr. Seimas tar-Repubblika Litwena – Konklużjonijiet tal-Kummissjoni għall-affarijiet Ewropej, dokument Nru ES-14-51, 9.7.2014 n. 100-P-71.

(7)  Għalhekk, l-Artikolu 33 tat-TFUE jikkostitwixxi l-bażi ġuridika korretta meta jkun hemm qafas ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali. L-Artikolu 114 tat-TFUE huwa l-bażi ġuridika użata għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ armonizzazzjoni li jikkonċernaw is-suq intern. Il-miżuri ta’ armonizzazzjoni li għal tali Artikolu jitolbu bħala kundizzjoni li bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri jiġu rreġistrati d-differenzi suxxettibbli li jfixklu l-iskambji kummerċjali fi ħdan is-suq intern.

(8)  L-ipoteżi hija prattikabbli mill-aspett legali, abbażi tal-Artikolu 257 tat-TFUE, li diġà ġiet applikata għat-Tribunal tal-funzjoni pubblika (jiġifieri, l-imħallef tax-xogħol tal-impjegati Ewropej) u fil-futur għandha tintuża wkoll anke għall-ħolqien ta’ Tribunal Ewropej tal-merkanzija u privattivi.

(9)  Il-mudell ta’ referiment jista’ jkun dak tal-Qorti tal-Kummerċ Internazzjonali tal-Istati Uniti. “The Customs Courts Act of 1980 creates a comprehensive system for judicial review of civil actions arising out of import transactions and federal transactions affecting international trade” (L-Att tal-Qrati tad-Dwana tal-1980 joħloq sistema komprensiva għal reviżjoni ġudizzjarja ta’ azzjonijiet ċivili li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni u tranżazzjonijiet federali li jaffettwaw il-kummerċ internazzjonali.)

(10)  Ara l-Opinjoni tal-Kumitat (ĠU C 271, 19.9.2013, p. 66).


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/62


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat”

[COM(2016) 198 final – 2016/0107 (COD)]

(2016/C 487/09)

Relatur:

is-Sur Victor ALISTAR

Korelatur:

is-Sur Petru Sorin DANDEA

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 28.4.2016

Kunsill, 28.4.2016

Bażi legali

Artikolu 50(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal- Unjoni Ewropea

Kompetenza

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

8.9.2016

Adottata fis-sessjoni plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

204/7/16

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza tas-sistemi tat-taxxa permezz ta’ rappurtar pajjiż b’pajjiż u huwa tal-fehma li din il-miżura hija ta’ natura li ssaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea.

1.2.

It-trasparenza tat-taxxa hija għodda utli biex tiżgura li jkun magħruf il-kontribut tal-impriżi multinazzjonali lejn id-dħul pubbliku fil-pajjiżi fejn joperaw.

1.3.

Il-KESE josserva li l-pubblikazzjoni, fil-kuntest ta’ sistema ta’ pajjiż b’pajjiż, tad-data speċifika dwar ir-rispett tal-obbligi tat-tassazzjoni, li diġà huma stabbiliti minn regolamenti oħra fil-livell Ewropew u fil-livell tal-Istati Membri u tas-swieq kapitali, qed tintalab kemm mill-opinjoni pubblika kif ukoll mill-oqsma tan-negozju.

1.4.

Il-klima ta’ kompetizzjoni ekonomika ġusta tiġi żgurata sakemm ikun hemm ekwivalenza tal-piż fiskali bejn l-operaturi kollha attivi fis-suq uniku fir-rigward tal-profitti magħmula fil-qafas tas-suq uniku Ewropew, u dan irrispettivament minn kif jorganizzaw ruħhom fil-livell tas-suq dinji.

1.5.

Għalkemm l-istandards proposti mill-Kummissjoni huma minimi u aktar baxxi minn dawk stabbiliti mill-OECD rigward id-data li għandha tiġi rappurtata, il-Proposta għal Direttiva titlob li jiġu pubbliċizzati sabiex tkun żgurata l-koerenza mad-dikjarazzjonijiet etiċi u r-responsabbiltà pubblika tal-kumpaniji kkonċernati fir-rigward tal-konsumaturi, l-imsieħba u l-kontribwenti kollha tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-firxa tad-data pprovduta għandha tkun dik prevista mill-istandards tal-BEPS, li diġà ġiet adottata mill-UE u mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, peress li r-regolamentazzjoni li qed tiġi analizzata tirreferi għall-prinċipju tat-trasparenza u ma għandhiex l-għan li tnaqqas l-għadd tal-impenji internazzjonali meħuda s’issa.

1.6.

Il-KESE huwa tal-fehma li r-regolamenti tal-Kummissjoni li jinsabu fil-pakkett tal-miżuri kontra l-evitar tat-taxxa għandhom jiżguraw li l-kumpaniji l-kbar u multinazzjonali li jirrispettaw b’onestà l-obbligi fiskali tagħhom ma jkunux żvantaġġati minħabba l-prattiki ta’ ippjanar aggressiv tat-taxxa ta’ kumpaniji multinazzjonali oħra.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda li l-pubblikazzjoni tad-data ssir b’lingwa użata internazzjonalment, minn fost il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sabiex jintlaħaq l-għan li l-pubbliku jingħata aċċess effettiv għad-data relatata mas-suq uniku.

1.8.

Sabiex jiġi ssemplifikat il-piż amministrattiv marbut mal-pubblikazzjoni u l-ġestjoni tad-data fil-livell tal-Unjoni Ewropea, il-KESE jemmen li hemm lok li l-Istati Membri jiġu obbligati jżommu reġistru pubbliku tar-rapporti għal kull pajjiż, flimkien ma’ sistema uniformi fil-livell Ewropew.

1.9.

Skont l-impenji meħuda mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-qafas tas-Sħubija ta’ Gvern Miftuħ (OGP), il-pubblikazzjoni tad-data fuq portal għandha tieħu l-forma ta’ sistema miftuħa, li tgħin lis-soċjetà ċivili u lill-kumpaniji biex jaċċessawha u tiffaċilita l-użu tagħhom minnha.

1.10.

Il-KESE huwa tal-fehma li, biex jiġu solvuti l-problemi bażiċi, il-Kummissjoni għandha tippreżenta pakkett ta’ miżuri aktar ambizzjuż, li jissokta bl-approċċ attwali ta’ armonizzazzjoni fiskali u jiżgura li r-riżorsi meħtieġa għall-programmi ta’ investiment, il-protezzjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku tal-Istati Membri jinġabru b’mod effettiv, proporzjonat u mhux diskriminatorju, filwaqt li jiġu evitati kemm l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa kif ukoll ir-riskji ta’ abbuż u ta’ tassazzjoni eċċessiva f’ċerti ġurisdizzjonijiet.

1.11.

Il-KESE jemmen li l-limitu ta’ EUR 750 miljun huwa għoli wisq u jitlob li dan jew jitnaqqas, jew inkella jiġi previst perjodu ta’ żmien sa meta għandu jitnaqqas b’mod gradwali.

1.12.

Jinħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji iktar ċari biex jiddefinixxu l-governanza fiskali tajba u jiġu identifikati l-ġurisdizzjonijiet fiskali li ma jikkonformawx magħha.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea

2.1.

F’Marzu 2016, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Komunikazzjoni (1) li tinkludi abbozz ta’ Direttiva li temenda d-Direttiva dwar il-Kontabilità (2). Dan l-abbozz ta’ Direttiva tħabbar fil-kuntest tal-pakkett ta’ miżuri kontra l-evitar tat-taxxa ppreżentat mill-Kummissjoni f’Marzu 2016, bħala parti tal-pjan ta’ azzjoni (3) għal sistema tat-taxxa korporattiva aktar trasparenti, aktar ġusta u aktar effikaċi.

2.2.

Il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa huma prijorità għall-Kummissjoni Ewropea. Permezz tal-proposta li ressqet, il-Kummissjoni għandha l-għan li tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju li skontu l-profitti għandhom jiġu intaxxati fil-pajjiż fejn ikunu saru.

2.3.

Din il-Proposta għal Direttiva tirrikjedi li l-kumpaniji multinazzjonali li l-fatturat tagħhom jaqbeż is-EUR 750 miljun jiddivulgaw pubblikament, fir-rapporti għal kull pajjiż, it-taxxa fuq l-introjtu li jħallsu flimkien ma’ informazzjoni rilevanti oħra relatata mat-taxxa.

2.4.

Għall-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi, il-Proposta għal Direttiva ma timponi l-ebda obbligu ġdid dwar it-taxxi fuq l-introjtu mħallsa.

2.5.

Il-Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2013/34/UE tinkludi miżuri bil-għan li, fil-livell tal-Istati Membri, tiġi implimentata b’mod uniformi l-azzjoni 13 (4) tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-BEPS (Base Erosion and Profit Shifting – pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt) tal-OECD. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw it-titjib tal-mekkaniżmu għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri u jinkludu fost it-tipi ta’ data skambjata dik li tirrigwarda r-riżultati tal-aħħar tas-sena tal-kumpaniji multinazzjonali.

2.6.

Il-proposta tal-Kummissjoni twieġeb għat-talbiet tal-Parlament Ewropew biex fil-livell tal-Unjoni Ewropea tiddaħħal sistema ta’ rapporti għal kull pajjiż dwar it-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji.

2.7.

Minn Ġunju sa Diċembru 2015, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu konsultazzjoni wiesgħa dwar il-proposti dwar l-introduzzjoni ta’ tali sistema ta’ rappurtar. L-400 attur li pparteċipaw kienu jinkludu kumpaniji, assoċjazzjonijiet professjonali tal-industrija, NGOs, ċittadini u gruppi ta’ riflessjoni. Il-biċċa l-kbira tal-individwi li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika appellaw biex l-UE tmexxi d-dibattitu u jekk ikun meħtieġ tmur lil hinn mill-inizjattivi attwali fil-livell internazzjonali dwar ir-rapporti għal kull pajjiż. Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji li rrispondew esprimew preferenza għal sistema ta’ rapporti għal kull pajjiż li tkun allinjata mal-istandard tal-OECD dwar il-BEPS.

2.8.

Il-proposta hija bbażata fuq valutazzjoni tal-impatt li ntlaqgħet b’sodisfazzjon mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u sarilha bosta titjib wara l-opinjoni mogħtija minn dan il-Bord.

2.9.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm madwar 6 000 kumpanija li għandhom ifasslu rapport skont il-pajjiż minħabba li huma joperaw fl-Unjoni Ewropea. Minn dawn, madwar 2 000 għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-Unjoni, jiġifieri parti żgħira ħafna biss mis-7,5 miljun kumpanija Ewropea.

3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

3.1.

Il-Proposta għal Direttiva titlob l-implimentazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha tar-regoli stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni tal-OECD dwar il-BEPS (5), li għandu l-għan li jiġġieled kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa f’livell dinji. Bħalma diġà enfasizza f’Opinjonijiet preċedenti (6), il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jappoġġja l-isforzi tagħha għall-ġlieda kontra l-ippjanar fiskali aggressiv minn ċerti kumpaniji multinazzjonali, li jikkontribwixxi biex idgħajjef il-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri b’ammont li, skont l-istimi, ilaħħaq mal-għexieren ta’ biljuni ta’ euro fis-sena.

3.2.

Il-firxa ta’ miżuri kontra l-evitar tat-taxxa se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tat-trasparenza tal-prattiki fiskali u toħloq pressjoni leġittima biex jiġi żgurat qafas ġust ta’ kompetizzjoni u prestazzjoni ekonomika bejn il-kumpaniji li għandhom aċċess għall-ippjanar tat-taxxa u dawk li joperaw biss fis-suq intern. Id-Direttiva analizzata hawnhekk ma temendax il-prinċipji tat-tassazzjoni, iżda tintroduċi aktar trasparenza dwar l-applikazzjoni tagħhom, b’konformità ma’ domanda pubblika fil-livell Ewropew li saret wara l-iskandlu tal-Lussemburgu magħruf bħala Luxleaks u d-dokumenti tal-Panama.

3.3.

Il-Proposta għal Direttiva teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha 85 sa 90 % tal-kumpaniji multinazzjonali, billi tistabbilixxi limitu ta’ EUR 750 miljun li, meta jinqabeż, ikun hemm l-obbligu li jitressaq rapport għal kull pajjiż. Il-KESE huwa tal-fehma li dan il-limitu huwa għoli wisq u diskriminatorju. Fil-fatt, jekk il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji multinazzjonali jitħallew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, jistgħu jitnaqqsu l-effetti li huma mistennija mill-applikazzjoni tagħha.

3.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-limitu ta’ EUR 750 miljun għandu jitnaqqas gradwalment u li għandha tiġi prevista skeda taż-żmien għal dan l-iskop, wara valutazzjoni intermedja tal-impatt.

3.5.

Il-Kummissjoni tipproponi li r-rapport għal kull pajjiż iħaddan firxa ta’ informazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 48c tal-Proposta għal Direttiva. Il-KESE jemmen li għandhom jiġu inklużi wkoll f’din il-kategorija ta’ informazzjoni r-rapport mill-kumpanija dwar l-operazzjonijiet li jistgħu jitwettqu fit-territorju ta’ ċerti ġurisdizzjonijiet tat-taxxa inklużi fil-lista prevista fl-Artikolu 48 g. Bl-istess mod, sabiex l-applikazzjoni tad-Direttiva twassal għar-riżultati mistennija, ikun tajjeb li l-lista li tinkludi t-tipi ta’ informazzjoni li għandha tiġi rrappurtata, previsti fl-Artikolu msemmi hawn fuq, tkun tinkludi wkoll informazzjoni dwar l-assi u l-bejgħ tal-kumpanija, kif ukoll il-lista tas-sussidjarji jew fergħat kollha tagħha, kif rakkomandat fl-istandard BEPS tal-OECD.

3.6.

Il-Kummissjoni tipproponi li r-rapport għal kull pajjiż ikun dettaljat u jippreżenta d-dikjarazzjonijiet finanzjarji separatament għal kull Stat Membru fejn il-kumpanija prinċipali għandha fergħat jew sussidjarji. Għal dawk il-ġurisdizzjonijiet barra l-Unjoni Ewropea, il-Proposta għal Direttiva tipprevedi li l-informazzjoni tiġi ppreżentata b’mod ikkonsolidat. Il-KESE huwa tal-fehma li din il-preżentazzjoni konsolidata tad-data tista’ taħbi xi operazzjonijiet speċifiċi ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa, u b’hekk l-applikazzjoni tad-Direttiva tkun inqas effikaċi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprevedi li jiġi ppubblikat rapport għal kull pajjiż fid-dettall skont il-ġurisdizzjoni tat-taxxa għal dawk kollha li fihom il-kumpanija prinċipali għandha fergħat jew sussidjarji.

3.7.

L-Artikolu 48 g tal-Proposta għal Direttiva jkopri l-istabbiliment tal-lista tal-ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx jew ma jirrispettawx l-istandards ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa. Il-KESE approva l-idea ta’ lista Ewropea ta’ ġurisdizzjonijiet li jirrifjutaw li jirrispettaw l-istandards ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa (7). Bħalissa, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom sistema għalihom ta’ listi u sanzjonijiet dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji ma’ dawn il-ġurisdizzjonijiet. Il-KESE huwa tal-fehma li lista stabbilita fil-livell tal-UE u li tiddefinixxi kriterji preċiżi sabiex jiġu identifikati l-ġurisdizzjonijiet li jirrifjutaw li jikkonformaw, kif ukoll sanzjonijiet applikati b’mod uniformi mill-Istati Membri kollha, ser ikunu strumenti aktar effikaċi fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Barra dan, il-KESE jaqbel mal-miżuri ppreżentati mill-Kummissjoni fl-istrateġija tagħha.

3.8.

Bil-ħsieb li jintlaħaq l-għan li jikkonsisti, mil-lat tal-politika pubblika, fit-titjib tat-trasparenza tat-taxxa tal-kumpaniji, il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit reġistru pubbliku nazzjonali, ġestit mill-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri, sabiex ir-rapport għal kull pajjiż ikun aċċessibbli mingħajr restrizzjonijiet. F’dan il-kuntest, sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ ħidma u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji, il-KESE jirrakkomanda li d-Direttiva tistabbilixxi format standard komuni fil-livell tal-Istati Membri, li jippermetti li tiġi pproċessata d-data wara proċedura miftuħa, skont l-impenji meħuda fil-kuntest tas-Sħubija ta’ Gvern Miftuħ.

3.9.

Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li, sabiex tiġi żgurata sistema uniformi ta’ etika fiskali fil-livell tas-suq intern, jeħtieġ li l-politiki fiskali jiġu sostnuti minn armonizzazzjoni akbar tal-prinċipji u l-istrateġiji tat-tassazzjoni, li tpoġġi enfasi akbar fuq il-prinċipju tat-tassazzjoni tal-profitti fil-post fejn huma ġġenerati, u fuq ir-relazzjonijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni bejn l-Istati Membri.

3.10.

Fid-dawl tad-domandi repetuti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jitolbu aktar trasparenza rigward it-tassazzjoni tal-kumpaniji multinazzjonali, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tinkludi fid-dispożizzjonijiet tad-direttiva l-obbligu li l-Istati Membri jiddivulgaw id-data fir-rapporti għal kull pajjiż.

3.11.

Il-Proposta għal Direttiva tipprevedi li rapport għal kull pajjiż jiġi ppubblikat bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-kumpanija teżerċita l-attività tagħha. Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li jkun hemm ukoll pubblikazzjoni b’tal-anqas lingwa barranija waħda magħrufa f’livell internazzjonali biex jiġi żgurat li l-pubbliku jkollu aċċess għal informazzjoni ta’ natura fiskali inkluża f’tali rapporti għal kull pajjiż.

3.12.

Fid-dawl tal-effetti negattivi li l-kriżi ħolqot għall-kapaċità amministrattiva tas-servizzi fiskali tal-Istati Membri, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jallokaw, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda fil-qasam tat-tassazzjoni, ir-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa biex jiġi garantit is-suċċess tal-implimentazzjoni tagħhom.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2016) 198 final.

(2)  Id-Direttiva 2013/34/UE.

(3)  http://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/resources/documents/taxation/company_tax/anti_tax_avoidance/timeline_without_logo.png

(4)  http://www.oecd.org/tax/transfer-pricing-documentation-and-country-by-country-reporting-action-13-2015-final-report-9789264241480-en.htm

(5)  http://www.oecd.org/ctp/beps-actions.htm

(6)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Pjan ta’ azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa” (ĠU C 198, 10.7.2013, p. 34) u l-Opinjoni dwar “Il-pakkett kontra l-evitar tat-taxxa” (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 93).

(7)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-pakkett dwar it-trasparenza fiskali (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 64).


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ”

[COM(2016) 196 final — 2016/0105 (COD)]

u l-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi reġistrata d-dejta dwar id-dħul u l-ħruġ u d-dejta dwar ir-rifjut ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 767/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1077/2011”

[COM(2016) 194 final — 2016/0106 (COD)]

(2016/C 487/10)

Relatur:

is-Sur Cristian PÎRVULESCU

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 9.5.2016

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Kompetenza

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni speċjalizzata

9.9.2016

Adottata fis-sessjoni plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

155/2/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis li s-sistema ta’ dħul/ħruġ (Entry/Exit System – EES), fil-forma ġdida, hija indispensabbli peress li tipprovdi valur miżjud fir-rigward tas-sikurezza fil-livell Ewropew. Bħalma jagħmel fl-oqsma oħra ta’ azzjoni politika u regolatorja, il-Kumitat jippromovi, permezz tal-opinjonijiet tiegħu, approċċ bilanċjat li jippermetti li jiġu kkonċiljati r-rekwiżit tas-sikurezza u l-implimentazzjoni xierqa tal-leġislazzjoni, mingħajr qatt jiġu preġudikati l-valuri fundamentali stabbiliti mill-Unjoni.

1.2.

Il-Kumitat iqis li l-implimentazzjoni tas-sistema ġdida ta’ dħul/ħruġ għandha tkun akkumpanjata minn kampanji ta’ sensibilizzazzjoni bl-għan li jispjegaw il-funzjonament tas-sistema bl-aktar mod ċar possibbli, b’enfasi fuq il-protezzjoni tad-data personali. Huwa jirrakkomanda li jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni u ta’ edukazzjoni kemm għall-awtoritajiet kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

1.3.

Il-Kumitat iqis li hemm bżonn li jingħataw informazzjoni u taħriġ adegwati għall-persunal involut fit-tħaddim tas-sistema. Huwa jirrakkomanda li l-proċess ta’ taħriġ ta’ dan il-persunal jingħata appoġġ finanzjarju u istituzzjonali adegwat.

1.4.

Il-Kumitat iqis li r-rispett tad-drittijiet fundamentali għandu jkun soġġett għal monitoraġġ permanenti mwettaq mill-istituzzjonijiet speċjalizzati tal-Unjoni Ewropea, iżda li jistgħu jissieħbu miegħu wkolll-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew u fil-livell nazzjonali.

1.5.

Fir-rigward tad-data personali, il-Kumitat jisħaq dwar il-ħtieġa li d-drittijiet dwar l-aċċess, rettifika u tħassir tagħhom jiġu definiti b’mod ċar u garantit.

1.6.

Il-Kumitat jirrakkomanda li, wara t-twaqqif tas-sistema, titnieda investigazzjoni simili għal dak li saret fil-qafas tal-proġett pilota sabiex ikun jista’ jiġi vvalut l-impatt tal-iskema fuq il-vjaġġaturi f’kundizzjonijiet reali.

2.   Introduzzjoni: kuntest u argumenti li jiġġustifikaw l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dħul/ħruġ tal-UE

2.1.

Peress li huwa stmat li fl-2025, l-għadd ta’ qsim legali tal-fruntieri ser ikun ta’ 887 miljun, li minnhom terz huwa mistenni li jsir minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw fiż-żona Schengen għal żjara ta’ perjodu qasir, jeħtieġ li jiġu mmodernizzati l-fruntieri sabiex il-flussi tal-passiġġieri jiġu ġestiti b’mod konġunt u effiċjenti.

2.2.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ dħul/ħruġ ikopri l-qsim tal-fruntieri miċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fiż-żona Schengen għal żjara ta’ perjodu qasir (massimu ta’ 90 jum fuq perjodu ta’ 180 jum), kemm jekk huma obbligati li jiksbu viża, eżentati milli jiksbu viża jew, jekk ikun il-każ, għandhom viża itineranti (sa sena).

2.3.

L-introduzzjoni tal-EES għandha l-għan li: 1. tindirizza d-dewmien irreġistrat fil-proċess ta’ kontroll fil-fruntieri u ttejjeb il-kwalità ta’ dawn il-kontrolli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi; 2. tiggarantixxi l-identifikazzjoni sistematika u affidabbli tal-persuni li jaqbżu t-tul ta’ soġġorn awtorizzat; 3. issaħħaħ is-sigurtà interna, kif ukoll il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja.

2.4.

Fi Frar 2013, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ proposti leġislattivi dwar il-fruntieri intelliġenti, biex tiġi mmodernizzata l-ġestjoni tal-fruntieri esterni taż-żona Schengen. Mill-2013, saru diversi bidliet li ffaċilitaw t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-EES:

2.4.1.

is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viżi (VIS) saret kompletament operattiva, u l-verifika bijometrika skont il-VIS għal detenturi tal-viża fil-fruntieri esterni taż-żona Schengen saret obbligatorja;

2.4.2.

id-djalogi mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi li jinsabu fil-fruntiera tal-Lvant u tax-Xlokk tal-UE dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi ġew konklużi jew imħaffa, u dan se jwassal għal żieda fil-proporzjon ta’ vjaġġaturi eżenti mill-obbligu ta’ viża li jidħlu fl-UE;

2.4.3.

ġie adottat il-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF-B); dan alloka EUR 791 miljun sabiex jiġu żviluppati fruntieri intelliġenti;

2.4.4.

l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni ddefinixxiet il-ġestjoni tal-fruntieri bħala wieħed mill-erba’ pilastri għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni;

2.4.5.

is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea relatata mad-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data speċifikat kjarifiki legali dwar il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji li għandhom jiġu rispettati fil-kuntest tal-ħżin u tal-użu tad-data tal-EES.

3.   Kummenti ġenerali dwar l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dħul/ħruġ tal-UE

3.1.

Il-Kumitat iqis li hemm bżonn ta’ bidla minn sistema mhux integrata u mtaqqla, ibbażata fuq l-ittimbrar tad-dokumenti tal-ivvjaġġar mill-persunal li jaħdem fil-fruntieri, għal sistema kważi awtomatika, li tiffaċilita l-aċċess taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. F’dan il-każ, il-valur miżjud tal-isforzi tal-UE huwa evidenti. L-Unjoni Ewropea għandha bżonn ta’ sistema ta’ fruntieri li tiflaħ kemm għal żieda fil-mobbiltà kif ukoll il-bżonn li tiżgura s-sigurtà fit-territorju tal-Unjoni, ta’ sistema li tiffaċilita l-mobilità mingħajr ma jiġu pperikolati d-drittijiet fundamentali.

3.2.

Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir il-fatt li din is-sistema kienet is-suġġett ta’ proġett pilota u li kien possibbli li jiġu osservati fil-prattika l-effetti tal-użu tad-diversi sistemi ta’ identifikazzjoni bijometrika fuq iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi (ara l-istudju ppubblikat wara li tlesta l-proġett pilota) (1). Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ juru li dawk li wieġbu wrew fiduċja fir-rigward tal-affidabilità tat-teknoloġiji bijometriċi u jirriflettu l-kunsens fost l-esperti fir-rigward tal-mezzi ta’ identifikazzjoni bijometrika l-aktar sikuri u affidabbli sabiex tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna.

3.3.

Jeħtieġ li nilqgħu l-parteċipazzjoni tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, li wettqet sondaġġ ta’ opinjoni fost ċittadini ta’ pajjiżi terzi li esperjenzaw diversi sistemi bijometriċi li jistgħu jintużaw, bil-għan li jiġu investigati, f’tipi differenti ta’ siti (ajruporti, stazzjonijiet u ferroviji, portijiet u fruntieri marittimi, punti ta’ qsim ta’ fruntiera fit-toroq) u f’kundizzjonijiet differenti, l-elementi ta’ identifikazzjoni bijometrika taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fi żmien meta l-apparati kollha użati f’dan l-esperiment kienu diġà disponibbli fis-suq (2).

3.4.

Ir-riżultati tal-istħarriġ juru li l-ġbir ta’ data bijometrika huwa kkunsidrat bħala umiljanti minn ċerti gruppi ta’ persuni, bħala medja minn 45 % tal-persuni li wieġbu (l-Amerika ta’ Fuq – 30 %, l-Ewropa – 43 %, l-Amerika Latina u l-Karibew – 46 %, l-Asja – 52 % u l-Afrika – 58 %) (3). Fir-rigward tat-tip ta’ data bijometrika miġbura, l-isskenjar tal-ħabba tal-għajn huwa kkunsidrat mill-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu (32 %) bħala tassew umiljanti, segwit mir-rikonoxximent tal-wiċċ (26,2 %). Barra minn hekk, huwa rilevanti li jiġi enfasizzat li proporzjon sinifikanti ta’ dawk li wieġbu (44,3 %) jqisu li t-tħaddim ta’ din is-sistema twassal għal inqas diskriminazzjoni.

3.5.

Permezz tal-opinjonijiet tiegħu, il-Kumitat kemm-il darba ppromova approċċ bilanċjat, li jippermetti li jiġu kkonċiljati r-rekwiżiti tas-sikurezza u l-implimentazzjoni xierqa tal-leġislazzjoni, mingħajr qatt sar preġudizzju għall-valuri stabbiliti mill-Unjoni jew mill-viżjoni tagħha ta’ żona ħielsa, miftuħa kif ukoll sikura.

3.6.

Huwa mill-aktar importanti li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jiffaċilitaw is-sistema ta’ dħul/ħruġ b’mod li jiġu attirati aktar viżitaturi – minn turisti sa negozajnti u professjonisti – iktar milli tiskoraġġihom. Għalhekk, il-Kumitat ġibed l-attenzjoni dwar it-tendenzi ta’ tħassib osservati f’diversi Stati Membri li jidhru dejjem inqas lesti li jilqgħu ċittadini ta’ pajjiżi terzi. “Il-Kumitat wisq jibża’ li mhuwiex kredibbli li l-Istati Membri ser jiffaċilitaw l-aċċess taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-Istati Membri tal-Unjoni meta fl-istess ħin hemm Stati Membri li qed jheddu lil ċittadini tal-Unjoni stess li se jkeċċuhom lura lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom minħabba li huma qiegħda jew sempliċement qed jinżammu milli jidħlu.” (4)

3.7.

F’opinjoni preċedenti dwar “Il-fruntieri intelliġenti”, il-KESE xtaq “jenfasizza li l-identità tal-Unjoni Ewropea hija assoċjata espliċitament u impliċitament mal-ftuħ u l-interkonnessjoni mhux biss fi ħdanha iżda wkoll lil hinn mill-fruntieri. L-UE hija spazju kulturali, soċjali, politiku u ekonomiku attiv u l-mobbiltà transkonfinali hija strumentali biex iżżomm ir-relevanza tagħha fuq livell dinji. Għalhekk, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi l-ġodda ma jeffettwawx l-ivvjaġġar jew ix-xewqa għall-ivvjaġġar lejn l-UE ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi” (5).

3.8.

Fl-istess opinjoni, il-Kumitat enfasizza l-importanza li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali, li tiġi żgurata n-nondiskriminazzjoni, u li permezz ta’ mezzi proċedurali u istituzzjonali jiġu żgurati l-integrità u l-użu xieraq tad-data miġbura u maħżuna fis-sistema.

3.9.

Għadu mhux ċert sa liema punt l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu fuq livell baġitarju u istituzzjonali għall-implimentazzjoni ta’ din is-sistema. Dan il-punt għandu jiġi ċċarat u għandhom jinstabu soluzzjonijiet sabiex jinkiseb impenn sod min-naħa tal-Istati Membri biex jikkooperaw u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tas-sistema.

3.10.

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-esperjenzi simili f’pajjiżi li implimentaw sistemi tal-istess tip. L-aspettattivi taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati kollha għandhom jiġu aġġustati skont il-kapaċitajiet tas-sistema biex jintlaħqu l-miri kollha stabbiliti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

F’dak li jirrigwarda l-elementi bijometriċi ta’ identifikazzjoni, il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon t-tnaqqis fl-għadd ta’ marki tas-swaba’ minn 10 sa 4, numru minimu neċessarju li, flimkien mal-identifikazzjoni tal-wiċċ, jippermetti li tinkiseb data rilevanti.

4.2.

Fir-rigward tad-data personali, il-Kumitat jisħaq dwar il-ħtieġa li d-drittijiet dwar l-aċċess, rettifika u tħassir tagħhom jiġu definiti b’mod ċar u garantit.

4.3.

Huwa assolutament essenzjali li, meta jimplimentaw l-EES, l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li jiġu rispettati d-dinjità umana u l-integrità tal-persuni li tintalab id-data tagħhom, u li jaħdmu biex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, il-kulur tal-ġilda, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, l-opinjonijiet politiċi, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

4.4.

L-implmentazzjoni tas-sistema ta’ dħul/ħruġ għandha impatt konsiderevoli fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet previsti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea: id-dritt għad-dinjità tal-bniedem (Artikolu 1), il-projbizzjoni tal-iskjavitù u tax-xogħol forzat (Artikolu 5), id-dritt għal-libertà u s-sigurtà (Artikolu 6), ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja (Artikolu 7), il-protezzjoni tad-data personali (Artikolu 8), id-dritt għan-nondiskriminazzjoni (Artikolu 21), id-drittijiet tat-tfal (Artikolu 24), id-drittijiet tal-anzjani (Artikolu 25), id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità (Artikolu 26) u d-dritt għal rimedju effettiv (Artikolu 47). Il-Kumitat iqis li r-rispett tad-drittijiet fundamentali għandu jkun soġġett għal monitoraġġ permanenti mwettaq mill-istituzzjonijiet speċjalizzati tal-Unjoni Ewropea, iżda li jistgħu jissieħbu miegħu wkolll-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew u fil-livell nazzjonali.

4.5.

Għalkemm il-proġett pilota li ppermetta li jiġi ttestjat il-funzjonament tas-sistema f’diversi siti ma wassal għall-ebda reżistenza jew nuqqas ta’ rieda sinifikanti mill-utenti, ir-riżultati tal-investigazzjoni mwettqa mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali jissuġġerixxu li l-użu tiegħu ser jippreżentaw diffikultajiet għal ċerti kategoriji ta’ persuni u li ser jiġi pperċepit b’mod negattiv mill-pubbliku. Huwa possibbli li man-nuqqas ta’ rieda minn dawn il-kategoriji ta’ persuni jiżdied dak ta’ wħud oħrajn fir-rigward tal-ġbir ta’ data bijometrika, jew minħabba raġunijiet kulturali jew reliġjużi, jew minħabba suspett dwar il-mod kif din id-data tintuża u tiġi protetta mill-awtoritajiet.

4.6.

F’dan il-kuntest, il-Kumitat iqis li l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema għandha tkun akkumpanjata minn kampanji ta’ sensibilizzazzjoni sabiex jispjegaw il-funzjonament tas-sistema bl-aktar mod ċar possibbli, b’enfasi fuq il-protezzjoni tad-data personali. Il-miżuri kollha ta’ prekawzjoni dwar it-teħid, il-ħżin u l-użu tad-data jridu jiġu kkomunikati lill-pubbliku b’tali mod li tingħeleb ir-reżistenza potenzjali u tiġi ffaċilitata mobilità mingħajr xkiel.

4.7.

Il-Kumitat iqis li hemm bżonn li jingħataw informazzjoni u taħriġ adegwati għall-persunal involut fit-tħaddim tas-sistema. Bħalma jirriżulta wkoll mill-proġett pilota, il-persunal li jaħdem fil-fruntieri insista huwa stess fuq il-bżonn li jkun hemm taħriġ sabiex ikun jista’ jiffamiljarizza ruħu mat-tagħmir il-ġdid u l-proċessi (6). L-Istati Membri huma responsabbli għat-tħaddim tajjeb tas-sistema. F’dan ir-rigward, l-attenzjoni għandha tiffoka fuq ir-regoli u l-proċeduri li jippermettu li tiġi ppreċiżata r-responsabbilità tal-Istati Membri f’każ ta’ preġudizzju li joriġina mill-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

4.8.

Il-Kumitat iqis li l-komunikazzjoni ta’ data personali miġbura mill-Istati Membri permezz tal-EES jew it-tqegħid tad-data għad-dispożizzjoni ta’ pajjiż terz, ta’ organizzazzjoni internazzjonali jew ta’ entità privata stabbilita fl-Unjoni jew le, għandha tkun limitata u ġġustifikata b’mod sħiħ.

4.9.

Il-Kumitat iqis li l-awtoritajiet maħtura u l-Europol għandhom jitolbu li jkollhom aċċess għall-EES biss meta jkollhom raġunijiet raġonevoli biex jemmnu li dan ser jipprovdilhom informazzjoni li ser tikkontribwixxi sostanzjalment għall-prevenzjoni jew l-iskoperta ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra, kif ukoll għall-investigazzjonijiet f’dan il-qasam. L-użu tal-EES ser ikollha valur miżjud għall-attività tal-pulizija, iżda huwa importanti li l-aċċess jiġi rregolat b’mod strett.

4.10.

Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-ispejjeż mistennija tas-sistema tbaxxew kemm jista’ jkun (minn EUR 1,1 biljun għal EUR 480 miljun).

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, 2015, il-proġett pilota “Fruntieri Intelliġenti”, rapport dwar il-konklużjonijiet tekniċi tal-proġett pilota, Volum 1.

(2)  Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, 2015, il-proġett pilota “Fruntieri Intelliġenti” – Annessi, Novembru 2015, p. 307-335

(3)  Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, 2015, il-proġett pilota “Fruntieri Intelliġenti” – Anness, Novembru 2015, pp. 322.

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ewropa miftuħa u sikura: kif nagħmluha realtà” COM(2014) 154 final (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 96).

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex jirreġistra d-data tad-dħul u l-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea”COM(2013) 95 final — 2013/0057 (COD) dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-użu tas-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ (EES) u tal-Programm ta’ Vjaġġaturi Rreġistrati”COM(2013) 96 final — 2013/0060 (COD) u dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm ta’ Vjaġġaturi Rreġistrati” COM(2013) 97 final — 2013/0059 (COD) (ĠU C 271, 19.9.2013, p. 97).

(6)  Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, 2015, il-proġett pilota “Fruntieri Intelliġenti”, rapport dwar il-konklużjonijiet tekniċi tal-proġett pilota, Volum 1, p. 14


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/70


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jirrevoka r-Regolament (UE) Nru 994/2010”

[COM(2016) 52 final – 2016/0030 (COD)]

(2016/C 487/11)

Relatur:

is-Sur Graham WATSON

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 16.9.2016

Parlament Ewropew, 7.3.2016

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 9.3.2016

Bażi legali

L-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

7.9.2016

Adottata fil-plenarja

22.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

133/4/9

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-politika tal-UE dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass kienet parzjalment ta’ suċċess f’li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaħsbu f’termini ta’ solidarjetà u ta’ sigurtà komuni. Madankollu, ħafna mill-kwistjonijiet ta’ politika tal-enerġija għadhom jiġu trattati bħala interessi nazzjonali. Sabiex tinkiseb is-sigurtà mistennija mill-Ewropej, il-provvista tal-enerġija għandha tiġi indirizzata b’mod aktar koerenti fil-livell tal-UE.

1.2.

Tali regolament għall-UE kollha jrid iqis il-kuntest usa’ ta’ sforzi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima globali b’miri ambizzjużi stabbiliti skont il-Ftehim ta’ Pariġi, l-istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika progressiva dwar it-tibdil fil-klima, u t-tensjonijiet ġeopolitiċi differenti fl-Ewropa u globalment, inkluż il-moviment tar-refuġjati, il-kriżi mal-fruntieri tal-Ewropa inklużi dawk riċenti fl-Ukraina, it-Turkija, il-Libja u l-Ġeorġja kif ukoll iż-żieda tar-reġjonaliżmu li qed jheddu l-integrazzjoni tal-UE.

1.3.

Hu meħtieġ investiment sostanzjali biex ikunu żgurati l-provvisti tal-gass fl-Ewropa. Huwa importanti li dan jinstab primarjament minn sorsi privati; il-profitti fl-industrija taż-żejt u l-gass huma tant kbar li l-appoġġ tal-pubbliku m’għandux ikun meħtieġ. Qafas politiku prevedibbli u affidabbli huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-investituri u, min-naħa l-oħra, proporzjon kostanti u affidabbli ta’ provvista ta’ gass.

1.4.

Ir-Regolament propost huwa mfassal biex jiġu evitati l-kriżijiet fil-provvista tal-gass bħal dawk tal-2006 u l-2009. Il-biċċa l-kbira tad-domanda hija għal gass għat-tisħin tal-bini. Programm wiesa’ ta’ aġġornament tal-immodernizzar tal-bini li hu effiċjenti fl-użu tal-enerġija kif issuġġerit fid-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (2010/31/UE) u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (2012/27/UE), speċjalment meta mmirat lejn il-bini msaħħan bil-gass, għandu jwassal għal tnaqqis sinifikanti fid-domanda għall-gass, speċjalment matul ix-xhur tax-xitwa meta seħħew il-kriżijiet preċedenti.

1.5.

Il-gass naturali jibqa’ sors ta’ enerġija transizzjonali importanti u jagħti kontribut sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, emissjonijiet kimiċi kif ukoll tas-sostanzi tossiċi perikolużi (inkluża l-materja partikulata PM10 u PM2,5). Bl-indikaturi tal-livell ta’ emissjonijiet ferm aktar baxxi minn dawk tal-faħam, sehem akbar tal-gass naturali fit-taħlita enerġetika tal-Istati Membri huwa ta’ importanza partikolari għat-titjib tal-kwalità tal-arja u, b’konsegwenza ta’ dan, is-saħħa taċ-ċittadini tal-Istati Membri u l-ġirien tagħhom. Madankollu, għandha titħaffef it-tranżizzjoni għal ekonomija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u l-politika tal-akkwist tal-gass għandha tieħu kont ta’ dan.

1.6.

Il-konsumaturi tal-enerġija jistgħu jaqdu rwol importanti fit-tfassil u l-ġestjoni tal-provvista. Għandhom jiġu żviluppati metodi għall-involviment tal-konsumaturi b’kooperazzjoni mal-konsumaturi stess, inkluż bl-użu innovattiv tal-ICT. Il-faqar enerġetiku għandu jiġi indirizzat primarjament permezz ta’ miżuri ta’ politika soċjali. Tali miżuri għandhom jinkludu pjani nazzjonali ddedikati biex jiġu stimulati investimenti fi programmi ta’ rinnovazzjoni tal-bini, kif stipulat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (2012/27/UE), filwaqt li jiġu prijoritizzati dawk il-konsumaturi li ma jifilħux iħallsu għall-fjuwil u l-konsumaturi vulnerabbli u tiġi promossal-kollaborazzjoni bejn l-imsieħba soċjali.

1.7.

L-implimentazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, flimkien mal-elettrifikazzjoni aċċellerata, jistgħu jnaqqsu l-konsum tal-gass fl-UE, u għaldaqstant l-importazzjoni tal-gass; iżjed mas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jiġu adottati malajr, inqas isiru rilevanti l-politiki esterni tal-UE dwar l-iżgurar tal-provvisti tal-gass. Il-Kumitat jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi evalwazzjoni ta’ kemm kienet preċiża l-koordinazzjoni bejn it-tbassir tal-konsum tal-gass tal-UE, is-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE, l-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u titjib fl-effiċjenza enerġetika fis-setturi kollha.

2.   Introduzzjoni (L-essenza tal-proposta tal-Kummissjoni)

2.1.

Fid-dawl ta’ dan it-tfixkil ekonomiku u t-tbatija tal-individwi minħabba l-interruzzjoni fil-provvisti tal-gass, il-Kummissjoni Ewropea tfittex li tibni fuq ix-xogħol preċedenti tal-UE biex tiġi żgurata interkonnessjoni akbar tal-infrastruttura tat-twassil tal-gass u solidarjetà akbar bejn l-Istati Membri fir-rieda tagħhom li jaqsmu l-piż tal-interruzzjonijiet.

2.2.

Dan l-abbozz ta’ Regolament jaġġorna politika importanti fi ħdan l-isforz tal-Unjoni li toħloq Unjoni tal-Enerġija Ewropea (COM(2015) 80 final).. L-Unjoni tal-Enerġija trid tidħol fil-kuntest tal-impenji tal-UE biex taġixxi biex twaqqaf, u jekk ikun possibbli, treġġa’ lura, l-effetti tat-tibdil fil-klima kkaġunat mill-bniedem li jirriżulta mill-ħruq tal-karburanti fossili.

2.3.

L-għan tal-abbozz tar-Regolament huwa li jiżgura li l-Istati Membri kollha jimplimentaw għodod xierqa sabiex jippreparaw u jimmaniġġjaw l-effetti ta’ nuqqas ta’ gass minħabba interruzzjoni fil-provvista jew minħabba domanda eċċezzjonalment għolja.

2.4.

Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, l-abbozz tar-Regolament jipproponi koordinazzjoni reġjonali aktar b’saħħitha, b’ċerti prinċipji u standards stabbiliti fil-livell tal-UE. L-approċċ propost hu li l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib fi ħdan ir-reġjuni tagħhom meta jagħmlu valutazzjonijiet tar-riskju reġjonali. Ir-riskji identifikati fil-valutazzjonijiet tar-riskji reġjonali se jiġu indirizzati fi Pjani ta’ Azzjoni Preventiva reġjonali u fi Pjani ta’ Emerġenza, li se jiġu riveduti bejn il-pari u approvati mill-Kummissjoni.

2.5.

Sabiex jiġi żgurat li l-valutazzjonijiet tar-riskji u l-pjani jkunu komprensivi u konsistenti ma’ xulxin, ir-Regolament jistabbilixxi mudelli obbligatorji li jelenkaw aspetti li għandhom jitqiesu meta titwettaq il-valutazzjoni tar-riskju u waqt it-tfassil tal-pjani.

2.6.

Ir-Regolament itejjeb ukoll l-applikazzjoni tal-istandard tal-provvista lill-klijenti protetti (prinċipalment djar), u l-istandard tal-infrastruttura (il-possibilità biex jiġi pprovdut il-gass anke jekk l-akbar infrastruttura ma tkunx disponibbli). Dan jippermetti kapaċità bidirezzjonali. Finalment, ir-Regolament jipproponi l-introduzzjoni ta’ aktar miżuri ta’ trasparenza dwar il-kuntratti tal-provvista tal-gass, billi kuntratti bħal dawn jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-provvista fl-UE.

2.7.

Il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE hi ġustifikata abbażi tal-fatt li l-approċċi nazzjonali t-tnejn jirriżultaw f’miżuri subottimali u jaggravaw l-impatt ta’ kriżi. Miżura meħuda f’pajjiż wieħed tista’ tikkawża nuqqas ta’ gass f’pajjiżi ġirien.

2.8.

Filwaqt li swieq li jkunu qegħdin jaħdmu sew huma ta’ importanza vitali sabiex ikunu żgurati l-provvisti tal-gass, l-azzjonijiet ikkoordinati b’mod tajjeb mill-Istati Membri, b’mod partikolari f’każ ta’ emerġenza, jistgħu jżidu b’mod sinifikanti s-sigurtà tal-provvista. Dan jikkonċerna koordinazzjoni aħjar mhux biss ta’ miżuri nazzjonali ta’ mitigazzjoni fil-każ ta’ emerġenza, iżda wkoll ta’ miżuri preventivi nazzjonali, bħal proposti għal koordinazzjoni aħjar ta’ ħażna nazzjonali jew ta’ politiki dwar l-LNG (Liquefied Natural Gas, Gass Naturali Likwifikat) (COM(2016) 49 final), li jistgħu jkunu importanti mil-lat strateġiku f’ċerti reġjuni.

2.9.

Rapport ta’ monitoraġġ tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija fl-2014 wera li għad hemm raġunijiet serji għal tħassib fir-rigward ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri (il-miżuri li huma predominantement nazzjonali li huma jieħdu mhumiex adattati sew biex jindirizzaw problemi tal-provvista tal-gass); barra minn hekk, it-test tal-istress li twettaq fis-Sajf tal-2014 (COM(2014) 654 final) wera li interruzzjoni gravi tal-provvisti tal-gass mil-Lvant xorta għad ikollha impatt kbir madwar l-UE.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Id-diffikultà prinċipali ta’ din il-proposta għal regolament mhijiex it-test iżda l-kuntest tagħha. Filwaqt li l-Qafas Strateġiku tal-Unjoni għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika dwar il-bidla fil-klima li tħares ‘il quddiem (COM(2015) 80 final) jitkellem b’ton kważi messjaniku dwar il-ħtieġa għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, dan l-abbozz ta’ regolament – filwaqt li huwa konsistenti ma’ regolamenti preċedenti dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass – mhuwiex kompletament konsistenti mal-miri tal-qafas strateġiku.

3.2.

Ħafna xjentisti tal-klima jgħidulna li biex ikollna ċans raġonevoli li nillimitaw iż-żieda fit-temperatura tal-pjaneta għal 2 oC, jeħtieġ li nġibu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra qrib iż-żero sal-2050. Għal 1,5 oC, anke qabel. Biex jiġu eliminati madwar 4 611-il miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 li aħna, pereżempju, xerridna fl-atmosfera fl-2013, jeħtieġ li nissodisfaw id-domanda tal-enerġija primarja tal-UE (l-ekwivalenti ta’ 1 567 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti taż-żejt (Mtoe fl-2013) b’enerġija nadifa. Aktar minn żewġ terzi tal-emissjonijiet ġejjin minn karburanti fossili li jixprunaw iċ-ċiviltà industrijali tagħna, u dawn il-karburanti fossili għandhom jiġu sostitwiti.

3.3.

Il-gass naturali jibqa’ sors ta’ fjuwil transizzjonali importanti u għen biex l-UE tnaqqas l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra minn karburanti solidi, speċjalment f’pajjiżi fejn il-faħam għandu rwol dominanti. Madankollu, għandhom jitħaffu t-tranżizzjoni għal sorsi tal-enerġija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u finalment mingħajr karbonju. Dan huwa rekwiżit biex tintlaħaq il-mira fit-tul li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm għal 1,5 oC, kif stipulat fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li l-politika dwar il-provvista tal-gass trid tqis. Dan għandu jiġi rifless fil-valutazzjonijiet tar-riskju li l-Istati Membri huma mitluba jwettqu. Huwa meħtieġ allinjament aħjar bejn il-politika dwar il-provvista tal-gass tal-UE u d-dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija, b’mod partikolari, suq tal-enerġija Ewropew integrat bis-sħiħ, it-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u d-dekarbonizzazzjoni, sabiex jiġi promoss investiment effiċjenti u jiġi stabbilit il-qafas għal sistema tal-enerġija reżiljenti.

3.4.

Ħames snin wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 994/2010, is-sigurtà tal-provvista tal-gass tibqa’ suġġett attwali ħafna, speċjalment fid-dawl tat-tensjonijiet bejn l-Ukraina u r-Russja. Qegħdin isiru sforzi fuq livell nazzjonali u fuq livell tal-UE sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvisti tal-gass għax-Xitwa tal-2016/2017 u wara. Madankollu, sforzi b’saħħithom biex tiġi żgurata prestazzjoni enerġetika aħjar tal-bini, permezz tal-iżolazzjoni, il-prijoritizzazzjoni tal-bini msaħħan bil-gass, għandu jkollhom impatt sostanzjali fuq il-ħtieġa għall-gass.

3.5.

Il-gass naturali ssostitwixxa l-karburanti solidi bħala t-tieni karburant l-aktar importanti għall-UE, u pprovda 23,8 % tal-enerġija primarja kkunsmata fl-2013. Dan għen biex l-UE tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra tagħha. Madankollu, iż-żieda fl-enerġija rinnovabbli hija inkredibbli: fl-2013 s-sorsi rinnovabbli pprovdew 15 % tal-konsum gross ta’ enerġija finali fl-UE, żieda minn 8,3 % fl-2004, biex b’hekk l-UE hija fit-triq biex tilħaq l-objettiv ta’ 2020 tagħha ta’ sehem ta’ 20 % ta’ sorsi rinnovabbli. L-ammont gross ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli aktar minn irdoppja bejn l-2000 u l-2013, u pprovda aktar minn kwart tal-elettriku kollu fl-2013.

3.6.

L-implimentazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, flimkien mal-elettrifikazzjoni aċċellerata, jistgħu jnaqqsu l-konsum tal-gass fl-UE, u għaldaqstant l-importazzjoni tal-gass; iżjed mas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jiġu adottati malajr, inqas isiru rilevanti l-politiki esterni tal-UE dwar l-iżgurar tal-provvisti tal-gass. Koordinazzjoni mtejba bejn it-tbassir tal-konsum tal-gass tal-UE, is-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE, l-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fis-setturi kollha hija għalhekk essenzjali.

3.7.

Koordinazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE fit-trasport u t-twassil ta’ kull tip ta’ fjuwil hija essenzjali għall-bini ta’ Unjoni tal-Enerġija, kemm fil-livell ta’ politika u ta’ strateġiji fit-tul. Il-proposta tal-Kummissjoni tfittex li taqsam l-UE f’seba’ “reġjuni” li fi ħdanhom il-politika għandha tkun ikkoordinata. Dan mhuwiex l-aħjar kompromess, peress li l-koordinazzjoni tal-politika madwar l-UE dalwaqt se tkun meħtieġa, u din għandha idealment tiġi estiża iktar biex tinkludi l-partijiet kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija – il-pajjiżi ġirien li magħhom l-UE għandha ftehimiet fil-qasam tal-enerġija.

3.8.

Sabiex tiżdied il-kompetizzjoni għal provvisti tal-enerġija u l-ħtieġa biex jiġu diversifikati s-sorsi tal-provvista, l-enerġija trid tibqa’ parti importanti tal-politiki esterni tal-UE; dawn iridu jkunu mmirati dejjem iżjed lejn l-iżgurar tal-provvisti tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, b’mod partikolari minn teknoloġiji maturi bħall-enerġija solari u tar-riħ, sabiex jiġu komplementati l-provvisti mill-produzzjoni domestika minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

3.9.

Governanza ġdida tal-politika dwar l-enerġija għandha tiżgura l-koerenza bejn aspetti differenti tal-provvista tal-enerġija kif ukoll li jintlaħqu l-miri fil-livell tal-UE. Aspett wieħed importanti biex tiġi żgurata l-koerenza huwa l-involviment bikri, sistematiku u strutturat mas-soċjetà ċivili sabiex jiġi żgurat li s-sensibilizzazzjoni dwar l-isfidi tas-sigurtà enerġetika tkun kondiviża b’mod wiesa’ fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u li – l-aktar importanti – dawk li jfasslu l-politika madwar l-Ewropa jkunu konxji mit-tħassib, l-interessi, ir-riżorsi u s-soluzzjonijiet offruti mis-soċjetà ċivili biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi u biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-enerġija tal-UE. Għal dan l-għan, il-KESE qed jippromovi b’mod attiv il-kunċett ta’ Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija u l-Kummissjoni laqgħet b’mod qawwi l-inizjattiva tal-KESE.

3.10.

It-tisħiħ reċiproku tad-dimensjonijiet esterni u interni tal-politika tal-enerġija, kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Diplomazija dwar l-Enerġija (EDAP), għandu jkun element importanti ieħor tal-governanza tal-politika tal-enerġija. Il-KESE diġà sejjaħ għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika esterna tal-UE dwar l-enerġija sabiex isaħħaħ il-kooperazzjoni attwali dwar l-enerġija u jistabbilixxi kooperazzjoni u djalogi ġodda ma’ stati jew reġjuni tal-produzzjoni importanti, ma’ stati jew reġjuni ta’ tranżitu, ma’ pajjiżi ġirien kif ukoll ma’ msieħba strateġiċi globali u reġjonali ewlenin, sabiex tissaħħaħ id-diversifikazzjoni tas-sorsi, il-provvisti u r-rotot tal-enerġija tal-UE.

3.11.

Il-politika esterna tal-enerġija tal-UE, inkluża l-politika tal-akkwist tal-gass, għandha tqis il-kuntest ġeopolitiku wiesa’. Il-KESE kien enfasizza qabel li l-aspetti kummerċjali tal-proġett m’għandhomx ikunu l-uniku fattur fid-deċiżjoni, speċjalment meta tiġi kkunsidrata t-tendenza tar-Russja li tuża l-enerġija bħala għodda għal għanijiet ġeopolitiċi. L-istabbiltà politika tal-pajjiżi tul ir-rotta tal-pipeline u l-vulnerabbiltà tagħhom għall-influwenza tal-politika barranija, ir-rekord soċjali u ambjentali tal-iżviluppaturi tal-proġetti kif ukoll l-involviment ta’ kumpaniji Russi fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni huma fost il-fatturi li għandha tikkunsidra d-diplomazija tal-enerġija tal-UE. Barra minn hekk, il-valutazzjoni ta’ proġetti ġodda għandha tqis l-impatt tagħhom fuq is-sigurtà tal-enerġija tal-pajjiżi ġirien. Fir-rigward tal-Ukraina, pereżempju, hemm riskju li proġetti biex jitneħħa t-transitu tal-gass mit-territorju tagħha se jaffettwaw id-dħul tagħha, jimpedixxu l-investiment għal titjib fin-netwerk u jneħħu l-influwenza ma’ Moska.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għal definizzjoni komuni ta’ “klijent protett”.

4.2.

Il-KESE jilqa’ l-kunċetti ta’ “responsabbiltà kondiviża” u ta’ “approċċ fuq tliet livelli” bejn l-impriżi tal-gass naturali, l-Istati Membri u l-UE għas-sigurtà tal-provvista tal-gass; u l-proposta li l-Kummissjoni għandha tikkoordina l-azzjoni fejn meħtieġ, kif stipulat f’rapport preċedenti tal-KESE (1). Dan l-approċċ huwa partikolarment importanti għall-iżgurar tat-trasparenza ta’ kuntratti ta’ provvista.

Barra minn hekk, il-Kumitat jikkunsidra li trid issir distinzjoni bejn ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tal-awtoritajiet pubbliċi msemmija fl-Artikolu 3 u dawk tal-intrapriżi u l-korpi privati, u għalhekk jipproponi test ġdid li jiċċara li:

is-sigurtà tal-provvista tal-gass hija responsabbiltà tal-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, fi ħdan l-oqsma ta’ responsabbiltà rispettivi tagħhom;

l-intrapriżi tal-gass naturali u l-konsumaturi industrijali tal-gass għandhom jikkooperaw u japplikaw il-miżuri stipulati mill-awtoritajiet responsabbli.

4.3.

Il-KESE jinnota l-kriterji proposti għall-kompożizzjoni tas-seba’ “reġjuni” fi ħdan l-UE. Talinqas, għandha tiġi prevista soluzzjoni fejn Stat Membru wieħed jista’ jkun fl-istess ħin membru ta’ aktar minn “reġjun” wieħed.

4.4.

Il-KESE jinnota li l-istandard tal-infrastruttura propost huwa fil-biċċa l-kbira l-istess bħal dak fir-Regolament tal-2010. Huwa jilqa’ l-proposta għal kapaċità bidirezzjonali (“kapaċità ta’ fluss fid-direzzjoni opposta”) fuq l-interkonnetturi bejn l-Istati Membri.

4.5.

Il-KESE jinnota li l-proposta għal istandard tal-provvista hija fil-biċċa l-kbira l-istess bħal dik fir-Regolament tal-2010. Huwa jilqa’ r-rekwiżit li ssir valutazzjoni tal-impatt qabel ma jittieħdu miżuri ġodda mhux abbażi tas-suq.

4.6.

Il-KESE jieħu nota tal-proposta li l-valutazzjoni tar-riskju issa titwettaq fil-livell reġjonali. Huwa jilqa’ dan bħala pass ‘il quddiem lejn il-jum meta l-valutazzjoni tar-riskju titwettaq fil-livell tal-UE. Huwa jilqa’ l-proposta ta’ mudell tal-Kummissjoni u jara l-proċess tal-valutazzjoni bejn il-pari bħala importanti f’dan ir-rigward.

4.7.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti għal pjani ta’ emerġenza, proċeduri ta’ maniġġar ta’ kriżijiet u rispons ta’ emerġenza.

4.8.

Il-KESE jilqa’ l-proposti għal trasparenza u għal solidarjetà bejn l-Istati Membri, ibbażati fuq it-testijiet tal-istress fis-sajf tal-2014, bħala mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni xieraq. B’mod partikolari, il-Kumitat jinnota b’apprezzament il-ftehim tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk dwar lista ta’ proġetti prijoritarji, li l-implimentazzjoni tagħhom se tippermetti li l-pajjiżi fir-reġjun ikollhom aċċess għal mill-inqas tliet sorsi ta’ gass, u b’hekk jiġi żgurat id-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-provvista.

4.9.

Il-KESE jilqa’ l-proposta għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi li huma msieħba kuntrattwali fil-Komunità tal-Enerġija.

4.10.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-proposta għal monitoraġġ kontinwu tal-miżuri tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi f’din il-ħtieġa li jitneħħa gradwalment l-użu tal-gass naturali favur sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

4.11.

Il-KESE jinnota d-derogi proposti għal Malta u Ċipru, u jħeġġeġ liż-żewġ pajjiżi, minħabba l-klima favorevoli tagħhom, biex ikunu minn ta’ quddiem fit-transizzjoni biex jilħqu l-ħtiġijiet tagħhom tal-enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli aktar milli minn karburanti fossili.

Brussell, it-22 ta’ Settembru 2016

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 339, 14.12.2010, p. 49.


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar strateġija tal-UE għall-gass naturali likwifikat u l-ħażna tal-gass”

[COM(2016) 49 final]

(2016/C 487/12)

Relatur:

is-Sur Marian KRZAKLEWSKI

Konsultazzjoni:

Kummissjoni, 16.2.2016

Bażi legali:

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti:

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni:

7.9.2016

Adottata fil-plenarja:

22.9.2016

Sessjoni plenarja Nru:

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet):

109/0/8

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jemmen li l-istrateġija tal-UE għall-gass naturali likwifikat (LNG) u l-ħażna tal-gass, imfassla fil-Komunikazzjoni COM(2016) 49 final, hija element essenzjali tal-proġett tal-Unjoni tal-Enerġija, li għandha l-għan li tiżgura s-sigurtà u d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija.

1.2.

Fis-snin li ġejjin il-potenzjal tal-likwifikazzjoni tal-gass globali ser jiżdied, li x’aktarx iqiegħed pressjoni ‘l isfel fuq il-prezzijiet; għalhekk il-Kumitat jara dan bħala opportunità biex tiżdied is-sigurtà u r-reżiljenza tas-sistema tal-gass tal-UE.

1.3.

Il-Kumitat jemmen li s-suq tal-gass Ewropew għandu jsir aktar flessibbli billi jiżdied is-sehem tal-LNG.

1.4.

Il-KESE jemmen li ż-żieda fil-proporzjon ta’ LNG fis-suq tal-gass tal-UE, li jiġi żgurat li hemm biżżejjed riżervi tal-gass f’faċilitajiet ta’ ħżin u l-promozzjoni tad-diversifikazzjoni reali tal-provvista tal-enerġija huma fatturi li se jiżguraw is-sigurtà tal-enerġija tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

1.5.

Il-Komunikazzjoni tal-Kommissjoni bir-raġun tiġbed l-attenzjoni lejn l-adegwatezza apparenti tal-kapaċità tar-rigassifikazzjoni tal-UE, “apparenti” għaliex mhijiex distribwita bl-aħjar mod.

1.6.

Il-Kumitat jaqbel li biex id-diversifikazzjoni sħiħa u sostenibbli tal-provvisti tal-gass lejn l-UE tinkiseb bis-sħiħ, hemm bżonn ta’ approċċ diversifikat lejn il-bini ta’ terminals ġodda tal-LNG.

1.6.1.

Għandha tingħata prijorità għal investimenti mmirati lejn rotot tal-provvisti bbilanċjati Il-miżuri prudenti tal-UE li jappoġġjaw il-bini ta’ terminals ġodda tal-LNG u l-konnessjonijiet tat-trażmissjoni transkonfinali għandhom iqisu r-reġjuni li huma attwalment iżolati u dipendenti minn fornitur wieħed.

1.6.2.

Investimenti effettivi u f’waqthom fil-proġetti ta’ interess komuni huma importanti għall-espansjoni tas-suq tal-LNG fl-UE. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ċari sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż tal-investiment u l-ispejjeż operattivi bejn l-Istati Membri u l-operaturi.

1.6.3.

Il-Kumitat jemmen li l-UE għandha tiżgura li l-iżvilupp ta’ proġetti rapidi marbutin mat-terminals tal-LNG u strutturi galleġġanti ta’ ħżin u rigassifikazzjoni (bastimenti) (Floating Storage Regasification Unit – FSRU) huwa għażla teknoloġikament newtrali, ibbażata fuq investiment iżjed effettiv.

1.7.

Il-KESE jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tivverifika li l-ftehimiet intergovernattivi għal xirjiet tal-LNG minn pajjiżi li mhumiex fl-UE jikkonformaw mal-liġi tal-UE.

1.8.

Il-Kumitat jenfasizza l-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma turix kif l-istrateġija biex jiżdied is-sehem tal-LNG u l-ħżin tal-gass hija konsistenti mal-investimenti kbar f’netwerks li qegħdin jiġu attwalment ippjanati mill-ġirien tal-UE, bħan-Nordstream2.

1.9.

Il-KESE jirrikonoxxi u jenfasizza l-valur tal-gass naturali, inkluż ir-rwol importanti tal-LNG biex l-UE tagħmel it-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju u l-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’gass b’effett ta’ serra u t-trab (PM10, PM2,5), li huma riskju għas-saħħa u l-ħajja tan-nies fl-Istati Membri.

1.9.1.

L-istrateġija definita fil-Komunikazzjoni għandha tenfasizza b’aktar qawwa r-rwol importanti tal-gass naturali bħala teknoloġija intermedjarja fit-tranżizzjoni minn enerġija bbażata fuq il-faħam lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Bħala sors aktar nadif ta’ enerġija, il-gass għandu rwol partikolarment importanti fl-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet low-stack, speċjalment mid-djar u t-trasport.

1.9.2.

Il-KESE jirrakkomanda li, matul it-tranżizzjoni mill-faħam għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, għandu jkun hemm sehem akbar tal-gass naturali fit-taħlita tal-enerġija tal-Istati Membri, speċjalment f’dawk il-pajjiżi fejn il-faħam għandu rwol dominanti.

1.10.

Il-Kumitat jappoġġja l-idea stabbilita fil-Komunikazzjoni li l-użu tal-LNG fis-settur tat-trasport tal-merkanzija tqila kif ukoll fit-trasport marittimu jista’ jnaqqas il-ħsara ambjentali b’mod sinifikanti.

1.10.1.

Fl-istess ħin, il-Kumitat jirrimarka li, fis-sezzjoni tal-komunikazzjoni li titratta l-LNG, ma tingħatax biżżejjed attenzjoni għall-iżvilupp intensiv tas-sistema Ewropea ta’ ġbir u użu tal-LNG bħala fjuwil tat-trasport, kemm dak bit-triq kif ukoll dak marittimu.

1.11.

Il-KESE jagħraf li l-ħżin tal-gass għandu rwol partikolarment importanti fl-istruttura tas-sigurtà tal-Ewropa u fiż-żamma ta’ provvista stabbli tal-gass naturali. Il-kapaċità ta’ ħżin eżistenti tal-UE hija konsiderevoli (COM(2016) 49 final), iżda d-distribuzzjoni tagħha mhijiex biżżejjed.

1.12.

Il-KESE jenfasizza l-fatt li, sabiex jiġi żgurat il-bilanċ u tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija, l-operaturi jridu jadottaw sett ta’ prinċipji, jiġifieri l-idea li l-livell minimu ta’ gass maħżun għandu jkopri 100 % tal-ħtiġijiet tas-suq nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-gass għall-perjodu tax-xitwa; madankollu, l-aħjar alternattiv ikun li l-gass maħżun jiġi bbilanċjat fil-livell reġjonali.

1.13.

Il-KESE jappoġġja u jikkunsidra l-pjani tal-Kummissjoni importanti biex jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ bejn ċentri tal-gass reġjonali effettivi u swieq nazzjonali individwali.

1.14.

B’konnessjoni mal-kwistjoni tal-ikkompletar tal-infrastruttura nieqsa li kienet enfasizzata fil-Komunikazzjoni, il-KESE jqis li għandha tintuża l-opportunità mogħtija mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) bl-għan li jiġi pprovdut finanzjament addizzjonali għal proġetti ta’ enerġija kritika u infrastruttura ta’ teleinformatika.

2.   Kuntest

2.1.

F’Marzu 2015, il-Kunsill tal-UE adotta l-konklużjonijiet tiegħu dwar l-Unjoni tal-Enerġija. L-aktar parti importanti ta’ dan id-dokument tistipula li, “l-UE hija impenjata li tibni Unjoni tal-Enerġija b’politika dwar il-klima li tħares ‘il quddiem fuq il-bażi tal-qafas strateġiku tal-Kummissjoni li l-ħames dimensjonijiet tiegħu huma marbuta mill-qrib u reċiprokament rinforzanti:

sigurtà tal-enerġija, solidarjetà u fiduċja;

suq tal-enerġija Ewropew integrat bis-sħiħ;

effiċjenza enerġetika li tikkontribwixxi għall-moderazzjoni tad-domanda;

dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija;

u riċerka, innovazzjoni u kompetittività.

2.2.

Il-KESE jinnota li, fil-punt 2(a) ta’ dan id-dokument, il-Kunsill appella biex il-ħidma fuq proġetti infrastrutturali tal-elettriku u l-gass tiġi intensifikata, inklużi l-interkonnessjonijiet – b’mod partikolari għar-reġjuni periferiċi – sabiex jiġu żgurati s-sigurtà tal-enerġija u suq intern tal-enerġija li jaħdem sew.

2.3.

Din l-Opinjoni tal-KESE tħares lejn l-istrateġija tal-UE għall-gass naturali likwifikat (LNG) u l-ħażna tal-gass, kif ġiet stabbilita fil-Komunikazzjoni COM(2016) 49 final. L-istrateġija hija parti importanti tal-pjani għal Unjoni tal-Enerġija (COM/2015/80), mil-lat tal-kontribut tagħha għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, il-kompetittività tas-swieq tal-enerġija u l-għanijiet marbutin mal-klima u l-ambjent segwiti fi ħdan u barra l-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija.

2.4.

Il-gass naturali huwa fjuwil importanti fit-taħlita tal-enerġija tal-UE, li jammonta għal 25 % tal-konsum totali tal-enerġija. Huwa importanti li jkun enfasizzat li l-estrazzjoni ta’ din il-materja prima fl-Istati Membri tissodisfa 34 % tal-ħtiġijiet tal-produzzjoni tal-enerġija fl-industrija, is-servizzi u għal finijiet privati.

2.5.

L-estrazzjoni tal-gass naturali ġewwa l-UE qed tonqos b’pass relattivament mgħaġġel. Fl-2004, kienu estratti 229,5 biljun m3 ta’ gass naturali, iżda dan naqas għal 132,3 biljun m3 fl-2014. Barra minn hekk, ir-riżervi eżistenti se jservu biss għal 11,3 snin. Dan jispjega għaliex l-Unjoni Ewropea hija l-akbar importatur fid-dinja tal-gass naturali. Fl-2014, il-konsum tal-gass naturali fl-UE ammontat għal 386,9 biljun m3. Dan kien l-aktar livell baxx għal 10 snin, 11,6 % inqas mis-sena ta’ qabel, iżda fl-istess ħin medju ta’ konsum annwali tal-gass fl-UE bejn l-2004 u l-2013 kien ta’ 477 biljun m3.

2.6.

F’livell dinji, id-depożiti rekuperabbli tal-gass naturali huma enormi (187 000 biljun m3), bi proporzjon R/P ta’ 54 sena. Meta jitqiesu r-riżorsi tal-gass mhux konvenzjonali, il-proporzjon jitla’ għal 290 sena.

2.7.

Sal-2020, il-kapaċità tal-likwifazzjoni tal-gass fid-dinja se tiżdied b’mod sinifikanti (+ 50 %), speċjalment fl-Istati Uniti u l-Awstralja (aktar minn 100 miljun tunnellata fis-sena), li probabbilment twaqqa’ l-prezzijiet. Din hija opportunità għall-Istati Membri tal-UE biex isaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza tas-sistema tal-gass tal-UE sabiex tkun tista’ tkampa ma’ kwalunkwe interruzzjoni fil-provvista.

2.8.

Fl-ewwel deċenju tas-seklu wieħed u għoxrin, il-gass ġie importat fl-UE primarjament permezz ta’ sistema ta’ pajpijiet tal-gass, u gass fil-forma likwida (LNG) kien jirrappreżenta biss 20 % tal-importazzjonijiet, minkejja l-fatt li l-LNG jokkupa volum 600 darba inqas, u b’hekk huwa aktar ekonomikament vijabbli mil-lat tat-trasport u l-ħżin.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-gass fit-tranżizzjoni tal-UE għal enerġija b’użu baxx tal-karbonju, u fl-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet. Li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom aċċess ibbilanċjat u ħieles għal swieq tal-produtturi tal-gass diversifikati u politikament stabbli qed issir prijorità ewlenija fuq perjodu qasir u medju ta’ żmien, u tikkontribwixxi għall-politika tal-UE dwar il-klima u l-enerġija u għall-ħolqien ta’ Unjoni tal-Enerġija stabbli. Il-politika rigward il-proporzjon ta’ gass fit-taħlita tal-enerġija għandha tqis l-objettivi fit-tul stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi (COP 21), jiġifieri li tinżamm iż-żieda fit-temperatura medja globali taħt 1,5 oC.

3.2.

Il-Kumitat jinnota li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2016) 49 final) hija kontinwazzjoni tal-ftehim dwar il-qafas tal-UE rigward il-politika tal-klima u l-enerġija, adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014. Il-ftehim jistabbilixxi l-miri li ġejjin li għandhom jintlaħqu sal-2030:

tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet tas-CO2;

sehem ta’ mill-inqas 27 % tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE;

żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ mill-inqas 27 %.

3.3.

Il-kompetittività ekonomika tal-gass bħala fjuwil fil-pajjiżi tal-UE, kif ukoll il-kwistjoni ta’ jekk il-gass hux se jsir kompetitur vijabbli għall-fjuwils solidi, b’mod partikolari għall-faħam, ser tiġi deċiża matul l-għaxar snin li ġejjin mill-interazzjoni bejn ħames fatturi differenti:

il-politika tal-klima u l-enerġija, b’mod partikolari l-isforzi għat-titjib tal-kwalità tal-arja;

il-prezzijiet tal-gass;

l-implimentazzjoni tal-iskema tal-UE tal-iskambju tal-emissjonijiet, u b’hekk il-prezzijiet tal-kwoti ta’ emissjonijiet tas-CO2;

il-qawwa tal-esportazzjonijiet tal-gass (LNG) mill-Istati Uniti u l-Awstralja;

u l-prezz tas-suq dinji taż-żejt mhux maħdum u l-faħam.

3.4.

Il-KESE jappoġġja u jikkunsidra importanti l-pjani tal-Kummissjoni biex tneħħi l-ostakli għall-kummerċ bejn ċentri tal-gass reġjonali effettivi u swieq nazzjonali individwali. Għal dan l-għan, huwa essenzjali li jitlesta s-suq intern tal-gass, li jiġu eliminati l-ostakli regolatorji, kummerċjali u legali u li jiġi żgurat l-aċċess għal dawn is-swieq.

3.4.1.

Peress li l-importazzjoni tal-gass tas-skist likwifikat mill-Istati Uniti jista’ jkollha impatt pożittiv fuq is-suq tal-gass Ewropew, il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex tidħol f’negozjati attivi, fi ħdan il-qafas tat-TTIP, biex tneħħi l-ostakli għall-importazzjonijiet ta’ dan it-tip ta’ gass mill-Istati Uniti.

3.5.

Il-KESE jinnota li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma turix kif l-istrateġija biex jiżdied is-sehem tal-LNG u l-ħżin tal-gass hija konsistenti mal-investiment ippjanat tan-Nordstream 2 (COM(2016) 49 final).

3.6.

L-istrateġija sottolinjata fil-Komunikazzjoni għandha tenfasizza iżjed ir-rwol importanti tal-gass naturali bħala teknoloġija intermedjarja fit-tranżizzjoni mill-faħam għal enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Bħala fjuwil, il-gass huwa partikolarment adattat għall-ġenerazzjoni rapida u stabbli tal-elettriku u tas-sħana, u għalhekk jista’ jaġixxi bħala teknoloġija ta’ appoġġ għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

3.7.

Il-KESE jirrakkomanda li, matul it-tranżizzjoni mill-faħam għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, għandu jkun hemm sehem akbar tal-gass naturali fit-taħlita tal-enerġija tal-Istati Membri, speċjalment f’dawk il-pajjiżi fejn il-faħam għandu rwol dominanti. Dan huwa ta’ importanza partikolari għat-titjib tal-kwalità tal-arja, li se jkollha impatt pożittiv fuq is-saħħa taċ-ċittadini ta’ dawk il-pajjiżi u l-ġirien tagħhom, filwaqt li tnaqqas b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u tal-gassijiet tossiċi.

3.7.1.

F’xi Stati Membri, medja ta’ żewġ terzi tal-enerġija finali hija użata biex jissaħħnu d-djar, u tiġi prodotta f’impjanti li jaħdmu bil-faħam b’effiċjenza baxxa. L-investimenti f’impjanti ta’ koġenerazzjoni fuq skala żgħira mħaddmin bil-gass ser isaħħu r-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija u jtejbu l-kwalità tal-arja. Investimenti bħal dawn isiru fuq perjodu qasir ta’ żmien (sentejn), l-ispejjeż finanzjarji (CAPEX) huma relattivament baxxi (għalkemm jiżdiedu minħabba l-ispejjeż operattivi) u parzjalment jikkumpensaw l-ispejjeż relattivament għoljin tal-fjuwil. Vantaġġ ieħor ta’ impjanti ta’ koġenerazzjoni fuq skala żgħira mħaddmin bil-gass huwa ż-żmien qasir ħafna meħtieġ għas-sinkronizzazzjoni man-netwerks tad-distribuzzjoni tal-enerġija, u b’hekk isiru sors eċċellenti ta’ enerġija bħala kumpens matul il-perjodi tal-ogħla domanda ta’ enerġija.

3.8.

B’konnessjoni mal-kwistjoni tal-ikkompletar tal-infrastruttura nieqsa li kienet enfasizzata fil-Komunikazzjoni, għandha tintuża l-opportunità mogħtija mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS). Taħt dan il-programm, il-finanzjament komplementari għandu jiġi pprovdut għal dawn il-proġetti ta’ infrastruttura kritika tal-enerġija u tal-informazzjoni, fost oħrajn:

l-iżvilupp ta’ interkonnessjonijiet tal-enerġija bejn il-pajjiżi;

id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u r-rotot ta’ trażmissjoni;

l-iżvilupp ta’ pjani Ewropej u reġjonali ta’ kontinġenza għal kriżi tal-enerġija;

it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-ekonomija.

4.   Kummenti speċifiċi dwar l-LNG

4.1.

Il-Kumitat jemmen li s-suq Ewropew tal-gass għandu jsir aktar flessibli billi jiżdied is-sehem tal-LNG.

4.2.

Iż-żieda fil-proporzjon tal-LNG fis-suq tal-gass tal-UE, li tiżgura riżervi adegwati ta’ gass fil-faċilitajiet ta’ ħżin u li tiġi promossa diversifikazzjoni ġenwina tal-provvisti tal-enerġija huma fatturi li se jiżguraw is-sigurtà tal-enerġija tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

4.3.

Il-Komunikazzjoni tal-Kommissjoni bir-raġun tiġbed l-attenzjoni lejn l-adegwatezza apparenti tal-kapaċità tar-rigassifikazzjoni tal-UE. “Apparenti” għaliex mhijiex distribwita bl-aħjar mod. Fil-peniżola Iberika, Franza, ir-Renju Unit, in-Netherlands, il-kapaċità tar-rigassifikazzjoni tintuża sa punt limitat ħafna, filwaqt li l-Istati Membri fir-reġjuni tal-Baħar Baltiku, fl-Ewropa Ċentrali u fl-Ewropa tal-Lvant u fl-Ewropa tax-Xlokk huma dipendenti ħafna minn fornitur uniku.

4.4.

Il-Kumitat jaqbel li biex tinkiseb bis-sħiħ u b’mod sostenibbli d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass fis-suq Ewropew hemm bżonn ta’ approċċ diversifikat lejn il-bini ta’ terminals ġodda tal-LNG. Għandha tingħata prijorità għal investimenti mmirati lejn rotot tal-provvisti bbilanċjati

4.5.

Miżuri prudenti tal-UE li jappoġġjaw il-bini ta’ terminali ġodda tal-LNG u konnessjonijiet tat-trażmissjoni transkonfinali għandhom jieħdu kont, bħala kwistjoni ta’ prijorità, tar-reġjuni li huma attwalment iżolati u dipendenti fuq fornitur wieħed. Li jiġi stimulat l-investiment b’tali mod jiżgura li numru ta’ fornituri tal-gass ikollhom aċċess ugwali għal dawn ir-reġjuni, abbażi ta’ kompetizzjoni ħielsa u ġusta. F’dan il-kuntest, huwa partikolarment importanti li jiżdiedu l-interkonnessjonijiet sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ tal-gass bejn is-swieq domestiċi tal-Istati Membri, b’mod partikulari f’reġjuni li bħalissa ma għandhomx livell adegwat ta’ sigurtà tal-provvista.

4.6.

L-investimenti fi proġetti ta’ interess komuni (PCI) li huma effettivi u f’waqthom huma ta’ importanza ewlenija għall-espansjoni tas-suq tal-LNG fl-UE. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ċari sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż tal-investiment u l-ispejjeż operattivi bejn l-Istati Membri b’livelli diversi ta’ infrastruttura tal-LNG u kapaċità tal-ħżin tal-gass.

4.7.

L-UE għandha tiżgura li l-iżvilupp ta’ proġetti rapidi marbutin mat-terminals tal-LNG u mal-FSRU ikun għażla teknoloġikament newtrali, ibbażata fuq l-aktar investiment effettiv, li għandha twassal għall-iżjed tariffi baxxi possibbli ta’ rigassifikazzjoni, tnaqqis fiż-żmien meħtieġ għall-ħruġ tal-prodotti fis-suq, inqas riskju ta’ implimentazzjoni u ċertezza akbar fis-suq.

4.8.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-pjani tal-Kummissjoni Ewropea biex tivverifika jekk il-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi mhux tal-UE dwar ix-xiri tal-LNG jikkonformawx mal-liġi tal-UE.

4.9.

Il-Kumitat jappoġġja l-idea stabbilita fil-Komunikazzjoni li l-użu tal-LNG fis-settur tat-trasport tal-merkanzija tqila bħala alternattiva għad-diżil u s-sostituzzjoni taż-żejt karburant tqil fit-trasport marittimu jistgħu jnaqqsu b’mod sostanzjali l-ħsara ambjentali.

4.9.1.

Il-Kumitat jirrimarka li, fis-sezzjoni tal-komunikazzjoni li titratta l-LNG, ma tingħatax biżżejjed attenzjoni għas-sistema Ewropea tal-ksib u l-użu tal-LNG bħala fjuwil tat-trasport, kemm bit-triq kif ukoll dak marittimu. B’mod partikolari dan jikkonċerna l-iżvilupp innovattiv tas-sistema tal-provvista u n-netwerk ta’ punti ta’ riforniment tal-fjuwil għat-trasport bit-triq u bunkering għat-trasport marittimu. Dawn l-għanijiet jintlaħqu fost l-oħrajn permezz tal-proġett ta’ Kuritur Blu li jinvolvi l-pajjiżi tal-UE minn Franza sal-Baħar Baltiku.

4.10.

F’xi Stati Membri tal-UE b’aċċess limitat għan-netwerks tal-gass, il-fjuwils fossili solidi huma użati ħafna sabiex jiġu ġġenerati l-elettriku u s-sħana. L-użu tal-LNG bħala fjuwil alternattiv fis-sistemi lokali fejn jista’ jieħu post il-fjuwils konvenzjonali li joħolqu tniġġis sinifikanti mill-gass u mill-partikolati jista’ jwassal għal titjib rapidu fil-kwalità tal-arja. Taħt dawn iċ-ċirkustanzi, u skont l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli fit-tul, l-LNG ma jistax jissostitwixxi s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli..

4.11.

Il-KESE jaqbel mal-fehma espressa fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika għandhom jipprovdu soluzzjonijiet kosteffettivi u li, meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-infrastruttura tal-LNG, l-għażliet għandhom jitqiesu bir-reqqa sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ lock-in teknoloġiku jew assi mhux rekuperabbli. L-investimenti f’sorsi ta’ enerġija m’għandomx jiġu kkunsidrati b’mod separat mill-iżvilupp ekonomiku tal-Istati Membri tal-UE.

5.   Kummenti speċifiċi dwar il-ħżin tal-gass

5.1.

Il-KESE jagħraf li l-ħżin tal-gass għandu rwol partikolarment importanti fl-istruttura ta’ sigurtà tal-Ewropa u fiż-żamma ta’ provvista stabbli tal-gass naturali għall-ekonomija tal-UE. Il-kapaċità ta’ ħżin eżistenti tal-UE hija konsiderevoli, iżda d-distribuzzjoni tagħha hija ‘l bogħod minn biżżejjed. Iżjed minn 83 % tal-kapaċità ta’ ħżin ta’ gass tinsab fil-punent u l-Lbiċ tal-Ewropa. L-ostakli ewlenin għall-użu transkonfinali tal-kapaċità ta’ ħżin jinkludu l-ostakli tariffarji u regolatorji u netwerk insuffiċjenti ta’ interkonnetturi f’xi reġjuni Ewropej.

5.2.

Il-KESE jenfasizza l-fatt li, sabiex jiġi żgurat bilanċ u tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija, l-operaturi jistgħu jadottaw sett ta’ prinċipji, jiġifieri l-idea li l-livell minimu ta’ gass maħżun jista’ jkopri 100 % tal-htiġijiet tas-suq nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-gass għall-perjodu tax-xitwa. Madankollu, l-alternattiva li hi l-aktar ekonomikament razzjonali tkun l-ibbilanċjar tal-gass maħżun fuq skala reġjonali. Dan l-aħjar mudell jista’ jinkiseb ladarba jkunu ġew żviluppati interkonnetturi fil-Grigal tal-Ewropa (il-Finlandja, l-Iżvezja, l-Istati Baltiċi, il-Polonja), fix-Xlokk (il-Bulgarija, it-Turkija, is-Serbja, il-Kroazja) u fil-Lbiċ (il-Portugall, Spanja u Franza). It-tieni kundizzjoni hija li jitneħħew l-ostakli kollha għat-trażmissjoni transkonfinali, speċjalment it-tariffi tal-fruntieri.

5.3.

Il-Kumitat jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-istrumenti tal-flessibbiltà li jikkompetu u biex jiġu żviluppati kodiċijiet tan-netwerks madwar l-Ewropa kollha li jqisu l-armonizzazzjoni tat-tariffi għat-trażmissjoni tal-gass “lejn il-ħażna u mill-ħażna”, sakemm l-istruttura tariffarja tirrifletti l-ispejjeż tal-ħżin.

5.4.

Il-miżuri biex jiġi żgurat l-aċċess fiżiku bla xkiel għall-faċilitajiet ta’ ħżin u l-kapaċità fis-sistema ta’ trażmissjoni, inkluż fil-kuntest transkonfinali, għandhom jitqiesu bħala indispensabbli. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa li jsir l-aħjar użu tal-kapaċità ta’ hżin eżistenti billi titlesta l-ħidma fuq il-kodiċijiet tan-netwerks. Minn din il-perspettiva, huwa importanti li jkun hemm kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien fuq l-aħjar użu tal-kapaċità ta’ ħżin miż-żewġ naħat.

Brussell, it-22 ta’ Settembru 2016.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi u strumenti mhux vinkolanti bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE”

[COM(2016) 53 final]

(2016/C 487/13)

Relatur:

is-Sur Vladimír NOVOTNÝ

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 16.2.2016

Kunsill, 2.3.2016

Parlament Ewropew, 7.3.2016

Bażi ġuridika

L-Artikoli 194(2) u l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

7.9.2016

Adottata fil-plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

139/0/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni, u jqis li l-proposta għal deċiżjoni ġdida hija pass biex tissaħħaħ is-sigurtà legali fil-qasam ta’ proġetti ta’ investiment tal-enerġija u tal-infrastruttura relatata, biex tiżdied it-trasparenza fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u titjieb il-funzjoni tas-suq intern tal-enerġija.

1.2.

Il-KESE jaqbel li ssir valutazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali ma’ partijiet terzi fil-qasam tal-enerġija permezz tal-mekkaniżmu “ex ante”, bħala mezz ta’ prevenzjoni tar-riskji ta’ kunflitti potenzjali bejn kuntratti konklużi u l-liġi tal-UE u r-rekwiżiti tas-suq intern tal-enerġija. F’dan il-każ, iqis il-prevenzjoni attwali bħala proċedura aktar effettiva milli passi rimedjali wara.

1.3.

Il-KESE jipproponi li l-proċedura ta’ notifika u verifika ta’ ftehimiet internazzjonali fis-settur tal-enerġija ta’ qabel il-konklużjoni tagħhom (ex-ante) tkun limitata għal kuntratti ta’ forniment tal-gass lill-Istati Membri, peress li hija l-aktar komodità tal-enerġija sensittiva, li normalment ikollha riperkussjonijiet f’aktar Stati Membri tal-UE.

1.4.

Reviżjoni tad-deċiżjoni għandha, fil-fehma tal-KESE, tkun limitata għall-kunċett ta’ kuntratti qafas b’impatt dirett fuq is-suq intern tal-Unjoni u/jew fuq is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija, u l-Kummissjoni għandha tivvaluta biss il-konformità mal-liġi tal-UE tal-proposta għal ftehim intergovernattiv (intergovernmental agreement – IGA) ippreżentata lilha.

1.5.

Kundizzjoni għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-proċeduri proposti tan-notifika u l-verifika tal-ftehimiet internazzjonali fis-settur tal-enerġija se tkun it-titjib fil-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali matul il-proċess preparatorju tal-IGA.

1.6.

Ftehimiet oħra fis-settur tal-enerġija, fil-fehma tal-KESE, għandhom jiġu vvalutati permezz tal-proċeduri leġislattivi u amministrattivi ex post li huma fis-seħħ sal-lum. Fl-istess ħin, madankollu, il-KESE jirrakkomanda li tingħata kunsiderazzjoni għal preżentazzjoni ta’ dawn il-kuntratti fuq bażi volontarja sabiex jiġu vvalutati ex ante fuq il-bażi tat-talba tal-Istat Membru.

1.7.

Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li ż-żmien mogħti lill-Kummissjoni biex toħroġ opinjoni negattiva tal-proposta tal-Kummissjoni f’każ ta’ inkompatibbiltà tal-abbozz tal-kuntratt mal-liġi tal-UE jitnaqqas sa mhux aktar tard minn 12-il ġimgħa. Malli jiskadi dan il-perjodu, għandu jitqies li l-Kummissjoni approvat l-ftehim propost u l-ħidma sabiex jiġi konkluż l-IGA tista’ tissokta.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija, hija parti mill-hekk imsejjaħ “pakkett tax-xitwa” tal-Kummissjoni Ewropea, dwar is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija, bħala parti mill-proġett tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-pakkett jiffoka l-ewwel nett fuq il-provvista tal-gass minn pajjiżi terzi.

2.2.

Fl-2015, il-Kummissjoni wettqet reviżjoni u evalwazzjoni tal-effikaċja tad-Deċiżjoni fis-seħħ Nru 994/2012/UE tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-ftehimiet intergovernattivi, li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet konklużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija.

2.3.

Mir-rapport tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni jirriżulta li l-Kummissjoni hija tal-fehma li d-deċiżjonijiet attwali ma jissodisfawx wieħed mill-prinċipji ewlenin tagħhom, jiġifieri li jiżguraw il-konformità tal-ftehimiet intergovernattivi mal-leġislazzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni identifikat tliet kawżi fundamentali tal-problema:

in-nuqqas ta’ kull notifika ex-ante tal-ftehimiet intergovernattivi lill-Kummissjoni, u dan iwassal għal żieda fir-riskju li dawn il-ftehimiet jiġu żviluppati b’mod li ma jkunx konformi mal-leġislazzjoni tal-UE;

in-nuqqas ta’ mekkaniżmi legali previsti f’xi ftehimiet intergovernattivi li jippermettu l-emendar jew it-tmiem tagħhom;

fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi, in-nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tan-negozjati li jkunu għaddejjin jew l-effett tagħhom ta’ sostituzzjoni.

2.4.

Il-Kummissjoni ħejjiet proposta għal deċiżjoni li tħassar id-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE u li tipprevedi diversi modifiki sinifikanti biex jindirizzaw il-konklużjonijiet li jirriżultaw mir-reviżjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Din ir-reviżjoni għandha żewġ għanijiet ewlenin:

li tiżgura l-konformità tal-ftehimiet intergovernattivi mal-leġislazzjoni tal-UE biex tiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u ssaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-UE; u

li tittejjeb it-trasparenza tal-ftehimiet intergovernattivi ma’ pajjiżi terzi sabiex tottimizza l-kosteffettività tal-forniment tal-enerġija tal-UE u tissaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

3.   Dokument tal-Kummissjoni

3.1.

Il-proposta għal deċiżjoni riveduta tinkludi l-elementi li ġejjin:

3.1.1.

Obbligi ta’ notifika fir-rigward ta’ ftehimiet intergovernattivi:

l-obbligu li Stat Membru jinforma lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jidħol f’negozjati ma’ pajjiżi terzi rigward konklużjoni ta’ ftehim intergovernattiv ġdid jew biex jemenda ftehimiet eżistenti;

il-Kummissjoni għandha tinżamm informata dwar il-progress fil-ħidma preparatorja tal-ftehim ladarba jingħata avviż ta’ negozjati bħal dan;

is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jipprovdu lil Stat Membru b’parir dwar kif jista’ jiġi evitat li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim intergovernattiv ikunu inkompatibbli mal-legislazzjoni tal-Unjoni jew pożizzjonijiet tal-politika tal-Unjoni adottata fil-Kunsill jew mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, fejn Stat Membru javża lill-Kummissjoni dwar in-negozjati;

l-obbligu li Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni, bil-ħsieb ta’ evalwazzjoni ex-ante, dwar abbozz ta’ ftehim intergovernattiv jew modifika tiegħu, u bid-dokumenti kollha ta’ akkumpanjament, fil-mument meta fin-negozjati l-partijiet ikunu laħqu ftehim ġenerali dwar l-elementi kollha prinċipali;

l-obbligu li Stat Membru, wara ratifika, jinnotifika lill-Kummissjoni bi ftehim intergovernattiv jew b’emendi għalih, kif ukoll bid-dokumenti kollha ta’ akkumpanjament;

l-obbligu li Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni bil-ftehimiet intergovernattivi jew bl-emendi eżistenti kollha, kif ukoll bid-dokumenti ta’ akkumpanjament kollha;

il-ftehimiet bejn l-impriżi mhumiex koperti bl-obbligu ta’ notifika, iżda jistgħu jkunu sottomessi lill-Kummissjoni fuq bażi volontarja;

l-obbligu tal-Kummissjoni li, filwaqt li tirrispetta d-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità tad-data, tikkondividi l-informazzjoni u d-dokumenti li rċeviet mal-Istati Membri l-oħrajn.

3.1.2.

Evalwazzjoni mill-Kummissjoni:

l-obbligu tal-Kummissjoni li twettaq valutazzjoni ex-ante tal-abbozzi ta’ ftehimiet intergovernattivi jew il-modifiki tagħhom u li, fi żmien sitt ġimgħat tinforma lill-Istat Membru dwar id-dubji possibbli li jista’ jkollha fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-legislazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-leġislazzjoni dwar is-suq intern tal-enerġija u l-leġislazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni,

l-obbligu tal-Kummissjoni li tinforma lil Stat Membru dwar l-opinjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim intergovernattiv jew l-emenda tiegħu mal-leġislazzjoni tal-Unjoni fi żmien 12-il ġimgħa mid-data ta’ notifika;

Stat Membru ma jistax jikkonkludi ftehim intergovernattiv propost jew jaċċetta modifika tiegħu qabel ma l-Kummissjoni tkun infurmatu dwar xi dubji li jista’ jkollha permezz tal-opinjoni tagħha. Meta jikkonkludi l-ftehim intergovernattiv jew l-emenda proposta, l-Istat Membru għandu jagħti l-ikbar kunsiderazzjoni lill-konklużjonijiet rilevanti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni;

l-obbligu tal-Kummissjoni li twettaq valutazzjoni ex-post ta’ ftehimiet intergovernattivi jew emendi eżistenti għalihom u li tinforma lill-Istati Membri f’każ ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn il-ftehimiet mal-leġislazzjoni tal-Unjoni fi żmien disa’ xhur min-notifika.

3.1.3.

Obbligi ta’ notifika u evalwazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-istrumenti mhux vinkolanti:

l-obbligu li Stat Membru jissottometti lill-Kummissjoni strumenti mhux vinkolanti eżistenti u futuri kif ukoll id-dokumenti ta’ akkumpanjament kollha;

il-Kummissjoni tista’ twettaq evalwazzjoni ex-post tal-istrumenti mhux vinkolanti sottomessi lilha u tinforma lil Stat Membru kif meħtieġ jekk hija tikkunsidra li l-miżuri li jimplimentaw strument mhux vinkolanti jistgħu jkunu f’kunflitt mal-leġislazzjoni tal-Unjoni;

il-Kummissjoni tipproponi, bħala l-alternattiva l-aktar effiċjenti, effikaċi u proporzjonata meta mqabbla mal-ispejjeż, dik fejn l-evalwazzjoni ex-ante ta’ IGA mill-Kummissjoni ssir mandatorja. L-Istati Membri għandu jkollhom l-obbligu li jinfurmaw lill-Kummissjoni fi stadju bikri tan-negozjati kollha li jkunu għaddejjin dwar ftehim intergovernattiv li jirrigwarda il-forniment tal-gass, u jippreżentawlha proposti rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ex ante.

3.2.

L-effetti ta’ din id-deċiżjoni għandhom, skont il-Kummissjoni, jinfluwenzaw:

it-tisħiħ taċ-ċertezza legali, li tiffavorixxi l-investiment;

il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-enerġija mingħajr segmentazzjoni u f’kompetizzjoni aktar b’saħħitha;

trasparenza akbar fir-rigward tas-sigurtà tal-forniment fl-Istati Membri kollha.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE diġà tratta l-problema tal-kuntratti fl-enerġija f’konnessjoni matul it-tħejjija tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 994/2012/UE, 2012 (1). Fl-opinjoni tiegħu, il-KtR enfasizza li l-ftehimiet dwar l-enerġija għandhom ikunu ggwidati kemm minn perspettivi strateġiċi kif ukoll kummerċjali, filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji tal-proporzjonalità u t-trasparenza.

4.2.

Il-Kumitat iddispjaċih, fost oħrajn, li l-abbozz ta’ deċiżjoni ma jkoprix ftehimiet kummerċjali importanti ma’ operaturi privati fis-settur tal-enerġija f’għadd ta’ Stati Membri oħra, fejn hemm ir-riskju ta’ kunflitt mal-liġi tal-UE. Il-Kumitat ġibed l-attenzjoni għat-theddid potenzjali li jista’ jinqala’ fejn is-sħubijiet strateġiċi jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ prattiki imposti minn interessi esterni għall-UE, u li jistgħu jkunu ta’ ħsara.

4.3.

L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-impjegaturi, bħala msieħba sinifikanti tad-djalogu soċjali u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata, esprimew ir-riżervi tagħhom rigward il-proposta tad-deċiżjoni tal-PE u tal-Kunsill li tirrevedi d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 994/2012/UE. L-unjins tal-impjegaturi jindikaw li l-mekkaniżmu attwali “ex post” huwa biżżejjed. Enfasizzaw li l-evalwazzjoni għandha tkun immirata fuq kuntratti b’impatt fuq is-suq intern tal-enerġija jew fuq is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija.

4.4.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għadd ta’ Stati Membri talbu wkoll biex tiġi applikata r-responsabbiltà f’każ ta’ żvelar ta’ informazzjoni u l-ħtieġa għal protezzjoni adegwata tal-interessi kummerċjali. Dawn talbu wkoll li mill-kamp ta' applikazzjoni jiġu esklużi l-kuntratti ta’ operaturi privati u kuntratti bbażati fuq il-mekkaniżmi tal-Euratom, u esprimew il-ħtieġa li r-reviżjoni kollha tad-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE tirrispetta l-libertà tan-negozjar u l-kummerċ, il-protezzjoni tal-konfidenzjalità kummerċjali u d-dritt għal amministrazzjoni tajba.

4.5.

Matul il-konsultazzjonijiet pubbliċi li saru dwar dan id-dossier tqajmu riservi simili mill-partijiet interessati, inklużi l-assoċjazzjonijiet settorjali Ewropej u l-assoċjazzjonijiet tar-regolatorji. Dawn enfasizzaw, fost oħrajn, li d-dokumenti ta’ akkumpanjament tal-Kummissjoni (SWD (2016) 28 final) ma jinkludux biżżejjed evidenza u argumenti kwantifikati biex ikun hemm ċertezza legali li l-leġislazzjoni attwali mhix qed tilħaq l-għanijiet tagħha, u għalhekk hemm il-ħtieġa għal leġislazzjoni ġdida. Infurzar aktar strett tad-deċiżjoni eżistenti jista’ jwassal għat-tneħħija tan-nuqqasijiet identifikati f’dawn il-ftehimiet internazzjonali, minflok ma titħejja leġislazzjoni ġdida.

4.6.

Sabiex isib kompromess adegwat, il-KESE fl-opinjoni attwali tiegħu jibbaża fuq il-kummenti u l-oġġezzjonijiet ta’ parti mill-firxa tas-soċjetà ċivili organizzata u fuq l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni, iżda wkoll fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill Enerġija tal-EU.

4.7.

Il-KESE, fuq il-bażi tal-esperjenza tal-Kummissjoni rigward id-diffikultajiet biex isiru modifiki fil-ftehimiet internazzjonali diġà konklużi fis-settur tal-enerġija fil-każ li aktar tard jinstab nuqqas ta’ konformità mal-liġi tal-UE, jappoġġja l-proposta għall-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu “ex ante” bħala forma ta’ prevenzjoni ta’ ksur tal-liġi tal-UE u r-regoli tas-suq intern tal-enerġija f’każijiet rilevanti għall-Ewropa kollha jew li jestendu għal diversi Stati Membri.

4.8.

Ir-reviżjoni tad-deċiżjoni għandha, fil-fehma tal-KESE, tikkonċerna biss IGAs importanti ma’ pajjiżi terzi b’impatt dirett fuq is-suq intern tal-Unjoni u/jew is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija, u l-Kummissjoni għandha tevalwa biss il-konformità tal-proposta tal-IGA ppreżentata lilha mal-liġi tal-UE.

4.9.

Fil-proċess ta’ negozjati tal-IGA fuq skala iżgħar u kamp ta’ applikazzjoni limitat, il-Kummissjoni waqt li tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri matul in-negozjati, m’għandha tirċievi l-ebda mandat speċifiku. Fl-istess ħin, madankollu, jaqbel li titħalla l-possibilità, li, fuq talba, jingħataw pariri mill-Kummissjoni lill-Istati Membri, sabiex jiġu evitati kunflitti tal-kuntratti nnegozjati mal-liġi tal-UE. F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tkun marbuta bi skadenzi stretti biex tipprovdi l-informazzjoni rilevanti.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Il-KESE jemmen li l-mekkaniżmu għandu jkompli jiġi applikat biss għal kuntratti internazzjonali ta’ forniment ta’ gass.

5.2.

Il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-obbligi li jirriżultaw mill-proposta għal deċiżjoni m’għandhomx japplikaw għal kuntratti konklużi minn entitajiet privati. Madankollu, jirrakkomanda li titqies l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu propost “ex ante” fil-każ ta’ ftehimiet tas-settur privat b’impatt sinifikanti fuq is-suq intern tal-enerġija jew fuq is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija. Għal din il-proċedura, madankollu, jaqbel li jiġu stabbiliti regoli ċari.

5.3.

Il-KESE jistenna bil-ħerqa li tiġi stabbilita r-responsabbiltà għal kwalunkwe telf ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva inkluż l-evalwazzjoni ta’ każijiet bħal dawn skont il-liġi kriminali.

5.4.

Il-KESE jemmen la huwa meħtieġ u lanqas huwa utli li d-deċiżjoni għal evalwazzjoni tkun tapplika għal strumenti mhux vinkolanti (l-Artikolu 2 tal-proposta).

5.5.

Il-Kumitat għandu d-dubji dwar l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-proposta ma jkollha l-ebda konsegwenzi fuq il-baġit tal-UE. B’mod partikolari, fil-każ tal-estensjoni tal-mekkaniżmu “ex ante” għal ftehimiet ta’ operaturi privati wieħed jista’ jistenna żieda fl-ispejjeż amministrattivi u fil-piż amministrattiv. Il-KESE m’għandux analiżi dwar kif il-prinċipju tas-sussidjarjetà jiġi rrispettat u kif jiġi promoss il-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-qafas tad-deċiżjoni l-ġdida.

5.6.

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jinżamm il-karattru fakultattiv fl-assistenza mogħtija mill-Kummissjoni (l-Artikolu 4 tal-proposta), peress li hu konxju li l-assistenza tal-Kummissjoni Ewropea ma għandhiex tkun obbligatorja fil-kuntest tan-negozjati tal-Istat Membru ma’ pajjiż terz.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 65.


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/86


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inizjattiva Cloud Ewropea — Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa”

[COM(2016)178 final]

(2016/C 487/14)

Relatur:

is-Sur Antonio LONGO

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 19.4.2016

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

7.9.2016

Adottata fis-sessjoni plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

149/1/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja u jaqbel mal-għażla strateġika tal-Kummissjoni dwar cloud computing Ewropew, aċċessibbli u maħsub għall-qasam tax-xjenza, fil-kuntest ta’ impenn politiku u ekonomiku qawwi għall-innovazzjoni diġitali. Mill-2011 u f'bosta okkażjonijiet il-Kumitat fassal sensiela ta' rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni sabiex l-Ewropa tkun minn ta' quddiem f'dan il-qasam promettenti, permezz tal-għajnuna tal-aqwa kumpaniji.

1.2

Għall-KESE din hija kwistjoni ta’ prijorità assoluta ta’ importanza strateġika, kemm biex jiġi eliminat id-distakk teknoloġiku Ewropew, kif ukoll b’rabta mal-progress ekonomiku, soċjali u kulturali tas-soċjetà.

1.3

Il-proposta tal-KESE hija għal cloud Ewropew li jkun disponibbli għaċ-ċittadini u n-negozji kollha. Qabel xejn il-KESE jitlob li jiġu ċċarati u speċifikati l-iskadenzi u l-modalitajiet għall-estensjoni tal-bażijiet tal-utenti, li ġew imwiegħda lil SMEs innovattivi u lill-industrija.

1.4

Il-KESE jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni dwar id-diffikultajiet li ma jħallux lill-Ewropa tisfrutta l-potenzjal tad-data, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' interoperabbiltà, il-frammentazzjoni tal-istrutturi, l-għeluq tagħhom għal żidiet u skambji oħra. Jitqiesu pożittivi l-miżuri identifikati fil-Komunikazzjoni biex jitneħħa d-distakk fost ir-realtajiet nazzjonali, li jimpedixxu l-implimentazzjoni ta' suq uniku diġitali Ewropew ġenwin, flimkien ma' azzjonijiet li għandhom l-għan li jestendu l-aċċessibbiltà u jsaħħu l-fiduċja bejn is-settur pubbliku u d-dinja akkademika, li ta' spiss huma kompletament distakkati u ma jikkomunikawx bejniethom.

1.5

Il-KESE jitlob li l-miżuri ta’ integrazzjoni jiġu mħaddma b’mod li jiffavorixxu l-bidla fil-mentalità tal-komunità xjentifika, b’mekkaniżmi ta’ integrazzjoni bejn l-infrastrutturi akkademiċi, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-istituzzjonijiet pubbliċi u bir-reviżjoni tal-istruttura tal-inċentivi biex tintlaħaq kondiviżjoni akbar tad-data, filwaqt li dawk il-komunitajiet li fi ħdanhom il-kondiviżjoni tad-data diġà hija komuni għandhom jitħeġġu jaqdu rwol ewlieni fid-definizzjoni tad-dettalji tad-Data Miftuħa.

1.6

Il-KESE jirrakkomanda li jiġu ċċarati iżjed l-interazzjoni bejn l-infrastruttura Ewropea tad-data, li għandha tħeġġeġ ukoll il-promozzjoni, l-iżvilupp u t-tħaddim ta’ superkompjuters ta’ prestazzjoni għolja (HPC), u l-inizjattiva ewlenija li tħabbret għat-tisħiħ fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni dwar il-kwantum.

1.7

Il-KESE jipproponi li dwar is-suġġett kruċjali tal-governanza, kif ukoll dwar l-aċċessibiltà gradwali għal kulħadd u dwar il-modi ta' użu u l-konservazzjoni tad-data, il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni ewlenija li tinvolvi direttament lill-komunità xjentifika u liċ-ċittadini fl-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-interessi tagħhom.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda li l-provvisti ta’ ħardwer u ta’ softwer meħtieġa għall-cloud Ewropew jinxtraw fl-Ewropa u jitlob aktar ċarezza dwar ir-riżorsi finanzjarji, li ġejjin minn diversi programmi qafas, il-fondi strutturali, is-CEF u l-FEIS.

1.9

Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni, bi qbil mal-Istati Membri, tniedi programm kbir għall-iżvilupp u l-isfruttar ta’ kompetenzi ġodda ta’ livell għoli, li joffru opportunitajiet ta’ impjieg b’ħiliet għolja u jippromovu “ir-ritorn” fl-UE ta’ xjentisti żgħażagħ li jaħdmu f’pajjiżi oħrajn.

1.10

Sabiex ikun hemm qafas ta’ regolamenti ċar u definit għad-dispożizzjoni tal-intrapriżi u ċ-ċittadini, f’settur strateġiku iżda wkoll daqshekk kumpless u jevolvi b’mod kostanti bħas-settur diġitali, il-KESE jipproponi li jinħoloq “portal uniku tal-Ewropa Diġitali”, li permezz tiegħu ċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess faċli għal testi Komunitarji eżistenti.

1.11

Barra minn hekk, il-KESE jtenni li għall-iżvilupp ta' rivoluzzjoni diġitali ġenwina hemm bżonn edukazzjoni u taħriġ għal kull faxxa ta' età tal-popolazzjoni Ewropea u fil-perjodi kollha li fihom isiru jew ma jsirux attivitajiet. B'mod partikolari l-KESE jtenni l-ħtieġa għal investiment fit-taħriġ teknoloġiku għan-nisa u biex jingħataw pożizzjoni fi rwoli ta’ responsabbiltà u rwoli deċiżivi.

2.   Kuntest u kontenut

2.1

Il-Kummissjoni żviluppat sensiela ta' linji gwida bl-għan li titwitta t-triq għal inizjattiva Ewropea għal cloud computing li jkun aċċessibli u mfassal għall-qasam tax-xjenza, u ppubblikat proposta li, filwaqt li tikkunsidra l-iżvilupp tal-hekk imsejħa Big Data, tqis il-cloud bħala strument li jista' jisfrutta bis-sħiħ ir-rikkezza tad-data prodotta minn partijiet pubbliċi u privati. L-abilità li tkun tista tintuża l-Big Data hija meqjusa li għandha impatt fuq l-ekonomija globali, u toffri l-opportunità għal innovazzjonijiet soċjali u industrijali kbar u għall-ħolqien ta’ servizzi u prodotti finanzjarji.

2.2

Il-proposta tinsab fl-ewwel pakkett ta' politika industrijali fil-qafas tal-istrateġija għas-suq uniku diġitali, li tħabbar fid-19 ta' April 2016, bi pjan finanzjarju li jikkonsisti f'EUR 50 biljun u li għandu l-għan li jservi ta' triq ġenwina lejn id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea u jipprevedi “sett ta' miżuri bil-għan li tappoġġa u tgħaqqad inizjattivi nazzjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija u servizzi relatati fis-setturi kollha u biex tixpruna l-investiment bi sħubiji u netwerks strateġiċi”.

2.3

L-inizjattiva dwar il-cloud computing tikkostitwixxi wieħed mill-impenji l-aktar importanti biex l-Ewropa ssir il-mexxej dinji fl-ekonomija bbażata fuq id-data. L-għażla, skont Carlos Moedas, il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni, tista' titqies ukoll bħala tweġiba “għat-talbiet tal-komunità xjentifika għal infrastruttura tax-Xjenza Miftuħa. (…) Il-benefiċċji tad-data miftuħa għax-xjenza, għall-ekonomija u għas-soċjetà Ewropea se jkunu enormi”.

2.4

Fil-viżjoni tal-Kummissjoni, l-Ewropa għandha twieġeb għal erba' mistoqsijiet:

Kif tista' tiġi sfruttata bis-sħiħ il-kondiviżjoni tad-data?

Kif jista' jiġi żgurat li d-data tintuża bl-aktar mod effettiv, bejn id-diversi dixxiplini xjentifiċi u bejn is-settur pubbliku u dak privat?

Liema huwa l-aħjar mod biex jingħaqdu flimkien l-infrastrutturi ta' data eżistenti u dawk ġodda fl-Ewropa kollha?

Kif jistgħu jiġu kkoordinati bl-aħjar mod l-istrumenti ta' appoġġ disponibbli għall-infrastrutturi ta' data Ewropea?

2.5

L-istrument identifikat mill-Kummissjoni huwa l-iżvilupp ta' Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa, spazju sigur u aċċessibbli li fih il-komunità xjentifika tista' taħżen, tikkondividi u tuża mill-ġdid data u riżultati xjentifiċi. Dan l-istrument importanti għandu l-għan li jiżviluppa l-kapaċità tal-kalkolu, il-konnettività u s-soluzzjonijiet tal-cloud b'kapaċità ta' livell għoli, ikun qed juża infrastruttura ta' data Ewropea, l-ewwel permezz ta' kollegament mal-komunità xjentifika u mbagħad mas-settur pubbliku u mal-industrija. Dan kollu jirrikjedi l-kollaborazzjoni miftuħa tal-partijiet interessati kollha biex jiksbu benefiċċju mir-rivoluzzjoni tad-data fl-Ewropa.

2.6

Il-Kummissjoni tiċċara l-fatt li l-inizjattiva ser tkun akkumpanjata minn azzjonijiet oħrajn fil-kuntest tal-istrateġija għas-suq uniku diġitali, b'referenza għall-kuntratti tal-cloud computing għall-utenti kummerċjali u l-bidla għal fornitur ieħor tas-servizzi tal-cloud, u fil-kuntest tal-inizjattiva dwar il-fluss liberu tad-data.

2.7

Il-Kummissjoni identifikat 5 raġunijiet għalfejn l-Ewropa mhux qed tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tad-data:

id-data minn riċerka ffinanzjata mill-fondi pubbliċi mhux dejjem hija aċċessibbli;

in-nuqqas ta' interoperabbiltà;

il-frammentazzjoni tal-infrastrutturi tad-data u tal-informatika;

in-nuqqas ta' infrastruttura ta' kalkolu bi prestazzjoni għolja (HPC) għall-elaborazzjoni tad-data;

il-ħtieġa għal tekniki ta' analiżi avvanzati (estrazzjoni tat-testestrazzjoni tad-data) f'ambjent affidabbli.

2.8

Il-Cloud Ewropew għax-Xjenza Miftuħa għandu jagħti lill-Ewropa rwol mexxej fuq livell globali fl-infrastrutturi għad-data xjentifika peress li jipprovdi ambjent virtwali b'servizzi li jistgħu jintużaw mingħajr ħlas għal 1,7 miljun riċerkatur u 70 miljun ħaddiem professjonist. L-iżvilupp ta' dan l-istrument ikun immirat lejn il-komunità xjentifika u, fil-prospettiva, ikun maħsub ukoll għat-tagħlim u t-taħriġ professjonali. Id-definizzjoni ta’ standards tekniċi rikonoxxuti se tkun tippermetti l-ħolqien ta’ ambjent sigur tad-data għall-utenti.

2.9

Fuq il-bażi tal-infrastrutturi diġà eżistenti, il-Kummissjoni beħsiebha wkoll tibni fuq azzjonijiet diġà previsti bħall-aċċess liberu għall-pubblikazzjonijiet u għad-data xjentifika fil-kuntest tal-Orizzont 2020. Il-governanza tal-Cloud Ewropew għax-Xjenza Miftuħa ser tkun definita wara li jiġi konkluż proċess dettaljat ta' preparazzjoni, li diġà qed iseħħ.

2.10

Il-miżuri speċifiċi previsti biex il-cloud isir realtà huma identifikati fil-Komunikazzjoni kif ġej:

id-data xjentifika kollha prodotta mill-programm Orizzont 2020 issir disponibbli b'mod awtomatiku;

jiżdied l-għarfien u jinbidlu l-istrutturi tal-inċentivi;

tiġi żviluppata l-interoperabbiltà u l-kondiviżjoni tad-data;

tinħoloq struttura adatta ta' governanza pan-Ewropea;

jiġu żviluppati servizzi bbażati fuq il-cloud għal xjenza miftuħa;

il-bażi ta' utenti tad-dinja xjentifika tal-cloud Ewropew tiġi estiża għax-xjenza.

2.11

Il-Kummissjoni tipprevedi wkoll l-infrastruttura Ewropea tad-data, b'kapaċità HPC integrata ta' livell dinji li għall-Ewropa tirrappreżenta l-ħtieġa li din titwettaq fuq skala “exa” sal-2022 u li tkun fost l-ewwel tliet protagonisti tas-settur.

2.12

Il-Kummissjoni tqis li l-infrastruttura Ewropea tad-data ser tikkontribwixxi wkoll għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, għall-promozzjoni tal-innovazzjoni industrijali u għall-iżvilupp ta' pjattaformi strateġiċi Ewropej fir-riċerka.

2.12.1

Il-kalendarju tal-azzjonijiet ser jiġi jiżviluppat mill-2016 sal-2020.

2.13

Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ħabbret ukoll inizjattiva ewlenija bil-għan li tippromovi r-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-quantum.

2.14

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tkabbar l-aċċessibbiltà u ssaħħaħ il-fiduċja bejn is-settur pubbliku u d-dinja akkademika, filwaqt li tiftaħ il-cloud Ewropew għas-settur pubbliku.

2.15

Sussegwentement, il-bażi tal-utenti ser tiġi estiża wkoll għas-servizzi pubbliċi, għal SMEs innovattivi u għall-industrija. L-estensjoni tal-inizjattiva għas-servizzi pubbliċi se tkun ibbażata fuq eżempji ta’ eċċellenza eżistenti, bħad-Direttiva INSPIRE għall-informazzjoni spazjali u n-netwerk tas-saħħa elettronika. L-estensjoni għall-industrija se tkun ibbażata fuq eżempji attwali ta’ forniment ta' infrastrutturi xjentifiċi ewlenin, bħal Helix-Nebula, EBI-EMBL u PRACE. Għall-SMEs, il-pass li jmiss jista’ jkun l-involviment bħala fornituri ta’ soluzzjonijiet innovattivi għall-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa, kif diġà huwa l-każ għall-Orizzont 2020.

2.16

Il-Kummissjoni tipprevedi diversi sorsi ta' finanzjament:

il-Programm qafas Orizzont 2020 għar-riċerka u l-innovazzjoni;

il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF);

il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS).

2.16.1

L-istima inizjali tal-investiment pubbliku u privat addizzjonali mitlub tammonta għal EUR 4,7 biljuni f'perjodu ta' 5 snin.

2.17

Biż-żmien l-inizjattiva ser tippermetti li jiġi ġġenerat dħul xieraq, li jimxi id f'id mat-tqassim fost il-komunità xjentifika, fl-istartups innovattivi u fis-settur pubbliku.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

L-għażla tal-Kummissjoni ta' impenn politiku u ekonomiku għall-innovazzjoni diġitali għandha appoġġ qawwi mill-KESE, speċjalment fir-rigward tal-għażla ta' cloud computing Ewropew.

3.1.1

Il-Kummissjoni tistabbilixxi strateġija ambizzjuża ħafna. Għalkemm il-livell ta’ kumplessità tagħha huwa għoli ħafna, l-objettivi ta’ politika huma identifikati b’mod ċar. Id-dgħufijiet tal-Ewropa u l-isfidi li qed taffaċċja biex toħloq servizzi għall-isfruttar tal-Big Data prodotta mix-xjenza u mis-servizzi pubbliċi huma identifikati bir-reqqa, u dan għandu jkun il-punt tat-tluq tal-ħidma li trid issir fis-snin li ġejjin.

3.2

Mill-2011, u f'bosta okkażjonijiet, il-Kumitat (1) ifformula sensiela ta' rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni sabiex iħeġġeġ “lill-Ewropa tieħu post minn ta’ quddiem f’dan il-qasam promettenti, bl-għajnuna ta’ kumpaniji mexxejja f’dan is-settur”.

3.3

Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-proposta tal-KESE kienet għal cloud Ewropew għaċ-ċittadini u n-negozji kollha. Madankollu, il-qarrej jista' jitqarraq bit-titolu tal-Komunikazzjoni peress li ma jispeċifikax li hija indirizzata biss għad-dinja xjentifika.

3.4

Għalhekk, il-KESE, jilqa' b'mod pożittiv id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u jinnota l-importanza strateġika tal-għażliet, kemm f'dak li għandu x'jaqsam mal-eliminazzjoni tad-distakk teknoloġiku Ewropew, kif ukoll fir-rigward tal-progress ekonomiku, soċjali u kulturali tas-soċjetà Ewropea. Il-cloud tax-xjenza jwieġeb ukoll għall-ħtieġa tal-komunità xjentifika biex ikun hemm aċċess u kondiviżjoni tad-data tar-riċerki pubbliċi.

3.5

Il-KESE jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni dwar id-diffikultajiet li ma jħallux lill-Ewropa tisfrutta l-potenzjal tad-data, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' interoperabbiltà, il-frammentazzjoni tal-istrutturi, u l-għeluq tagħhom għal żidiet u skambji oħra. Barra minn hekk, il-KESE jtenni l-bżonn li jkun hemm edukazzjoni u taħriġ għal kull faxxa ta' età tal-popolazzjoni Ewropea u fil-perjodi kollha li fihom isiru jew ma jsirux attivitajiet (2). B’mod partikulari l-KESE jisħaq dwar il-ħtieġa ta' investiment fit-taħriġ teknoloġiku tan-nisa u l-aċċess tagħhom għal pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà u ta' tmexxija.

3.6

Il-Kumitat jaqbel mal-objettivi u l-miżuri identifikati fil-Komunikazzjoni biex jitneħħa d-distakk fost is-sitwazzjonijiet nazzjonali, li jimpedixxi l-implimentazzjoni ta' suq uniku diġitali Ewropew ġenwin. Għandha titqies ukoll it-tendenza ġenerali tat-tranżizzjoni minn ħażna tad-data personali fuq il-kompjuter personali lejn l-użu ta' clouds pubbliċi jew kummerċjali. Għalhekk l-inizjattiva tal-cloud miexja fit-triq it-tajba.

3.7

L-impenn tal-Kummissjoni huwa pożittiv ukoll fir-rigward tal-azzjonijiet maħsuba biex iżidu l-aċċessibbiltà u fl-istess ħin isaħħu l-fiduċja bejn is-settur pubbliku u d-dinja akkademika, li ta' spiss huma separati u ma jikkomunikawx bejniethom.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Hemm xi aspetti li għandhom jiġu ċċarati. Il-pjan tal-Kummissjoni jidher kumpless ħafna fl-objettivi tiegħu, iżda fl-istess waqt jidher ġeneriku f'xi punti fundamentali.

4.2

L-ewwel nett, il-KESE jirrakkomanda li l-provvista ta’ ħardwer u ta’ softwer meħtieġa għall-cloud Ewropew jinxtraw fl-Ewropa. Is-soluzzjonijiet ta’ softwer huma żviluppati sew fl-Ewropa, u għandu jkun possibbli li nevitaw id-dipendenza teknoloġika minn reġjuni oħra tad-dinja. Dwar il-ħardwer, il-previżjoni li tal-inqas wieħed miż-żewġ superkompjuters ta' skala “exa” jkun Ewropew titqies pożittiva.

4.3

Il-KESE jesprimi wkoll it-tħassib tiegħu rigward ir-riżorsi, mhux biss dawk finanzjarji iżda anke dawk professjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-cloud. Id-disponibbiltà ta’ riżorsi umani bil-ħiliet meħtieġa ser tkun kruċjali biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-Big Data f’termini ta’ tkabbir ekonomiku u impjiegi għall-Ewropa. Il-Kumitat iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra bir-reqqa s-sistemi transkonfinali tal-cloud f’ċerti komunitajiet tax-xjenza, sistemi li diġà jeżistu u li jaħdmu tajjeb, kif ukoll attivitajiet nazzjonali li għandhom fil-mira tagħhom l-istess għan.

4.3.1

Filwaqt li jilqa’ tajjeb dak li huwa mistenni mill-Orizzont 2020 u mill-finanzjament tal-proġett EDISON biex jitħaffef il-proċess biex tinħoloq il-professjoni ta’ “xjentist tad-data”, il-KESE jittama li l-Kummissjoni, bi qbil mal-Istati Membri, tniedi programm kbir għall-iżvilupp ta’ kompetenzi ta' livell għoli li jiffaċilitaw impjiegi ta’ ħila kbira u r-“ritorn” fl-UE ta’ xjentisti żgħażagħ li jaħdmu f’pajjiżi oħrajn. B’mod partikolari, hemm bżonn kbir ta’ “amministraturi tad-data” li jkunu kapaċi jgħinu lix-xjenzati, lill-industrija tas-settuur u lill-amministrazzjoni pubblika sabiex jisfruttaw aħjar u jaqsmu d-data miġbura. Dawn l-interventi mill-Kummissjoni huma ta’ urġenza kbira u għandhom ukoll jgħinu fl-irkupru ta' opportunitajiet ta’ impjieg.

4.4

Barra minn hekk mhix ċara l-interazzjoni bejn l-infrastruttura Ewropea tad-data, li għandha tħeġġeġ ukoll il-promozzjoni, l-iżvilupp u t-tħaddim ta’ superkomputers ta’ prestazzjoni għolja (HPC), u l-inizjattiva ewlenija li tħabbret għat-tisħiħ fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni dwar il-kwantum. Iż-żewġ inizjattivi huma kumplementari, iżda differenzjati. Filwaqt li s-superkompjuter fuq skala “exa” huwa previst li jkun lest sas-sena 2018, l-istrateġija għat-teknoloġija dwar il-kwantum għadha fi stadju preparatorju b'approċċ fit-tul.

4.5

Il-Komunikazzjoni tirriżulta ġenerali ħafna anke fejn tipprevedi mekkaniżmi ta' integrazzjoni naturali, bis-saħħa tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa u tal-infrastruttura tad-data Ewropea, fost l-infrastrutturi akkademiċi, iċ-ċentri ta' riċerka u l-istituzzjonijiet pubbliċi. Din l-istrateġija mhux se tirnexxi mingħajr l-allinjament tal-partijiet interessati kollha. Is-sensibilizzazzjoni u t-tibdil tal-istrutturi ta' inċentivi indirizzati għall-qasam akkademiku, l-industrija u għas-servizzi pubbliċi għall-kondiviżjoni tad-data huma pass meħtieġ biex jiġi żviluppat il-cloud computing għax-xjenza miftuħa. B’mod partikolari, il-komunitajiet fejn il-kondiviżjoni tad-data diġà hija pjuttost komuni, bħal f’ħafna oqsma ta’ riċerka, jistgħu jkunu kruċjali biex jiddefinixxu d-dettalji tad-Data Miftuħa fi proċess minn isfel għal fuq.

4.5.1

Il-KESE japprezza l-linja li l-Kummissjoni segwiet dwar l-għażla standard għal data tar-riċerka miftuħa fil-proġetti ġodda kollha tal-Orizzont 2020 wara l-2017. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina r-rakkomandazzjonijiet tal-2012 dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha.

4.6

Barra minn hekk, għandhom jiġu speċifikati l-mekkaniżmi ta' estensjoni tal-bażi tal-utenti, li ġew imwiegħda lill-SMEs innovattivi u lill-industrija, filwaqt li dawn jieħdu vantaġġ miċ-ċentri tad-data u softwer ta' eċċellenza u ċentri ta' innovazzjoni tas-servizzi tad-data għall-SMEs.

4.7

Il-KESE jitlob li l-governanza tal-cloud Ewropew titfassal aħjar, u skont il-Kummissjoni din ser tkun definita wara li jiġi konkluż proċess dettaljat ta' preparazzjoni, li diġà qed iseħħ. Il-komunità xjentifika, l-intrapriżi u ċ-ċittadini għandhom id-dritt li jipparteċipaw f'din il-governanza, u l-Kummissjoni għandha d-dmir li tindika b'liema mod u sa liema punt. L-użu tal-Pjattaforma tal-Politika tax-Xjenza Miftuħa jista’ jkun strument siewi.

4.8

Il-KESE jipproponi li, dwar suġġetti bħall-governanza, l-aċċess gradwali għal kulħadd u l-modi ta' użu u ta' konservazzjoni tad-data, titnieda konsultazzjoni wiesgħa li tinvolvi direttament lill-komunità xjentifika u liċ-ċittadini fl-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-interessi tagħhom.

4.9

B'mod partikolari l-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dettaljata aktar dwar il-pjattaforma amministrattiva għall-ġestjoni tal-cloud.

4.10

Fir-rigward tal-finanzjament, filwaqt li jitqies in-numru kbir ta' Stati Membri fejn din għandha tiġi implimentata, iżda anke l-kuntest ekonomiku ta' tkabbir baxx tal-ekonomija Ewropea li jpoġġi l-investimenti privati f'inizjattiva Ewropea f'pożizzjoni diffiċli ħafna, li fil-fatt ikollu biss effett kollaterali indirett u sekondarju fuq l-industrija u l-SMEs, il-KESE jqis li dan huwa prijorità assoluta għall-Ewropa.

4.11

Fil-fatt, l-intrapriżi se jgawdu mill-effetti pożittivi tal-cloud u tal-infrastruttura tad-data biss wara li dawn jiġu implimentati, skont standards tekniċi komuni li għadhom iridu jiġu żviluppati u f'qafas regolatorju dwar il-privatezza, iċ-ċibersigurtà u l-proprjetà intellettwali li għad mhuwiex la konsolidat fil-livell regolatorju Ewropew u lanqas traspost mill-Istati Membri.

4.12

F'dan ir-rigward, il-KESE jipproponi li jinħoloq “portal uniku tas-settur diġitali Ewropew”, sabiex jiffaċilita l-aċċess taċ-ċittadini u l-intrapriżi għat-testi komunitarji eżistenti.

Brussell, il-21 ta' Settembru 2016.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 24, 28.1.2012, p.40; ĠU C 76, 14.3.2013, p. 59.

(2)  ĠU C 451, 16.12.2014 p. 25.


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/92


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali”

[COM(2016) 176 final]

(2016/C 487/15)

Relatur:

is-Sur Gundars STRAUTMANIS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 19.4.2016

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

7.9.2016

Adottata fil-plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

159/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li, b’mod ġenerali, it-test kif abbozzat mill-Kummissjoni huwa ta’ min ifaħħru, billi jistabbilixxi punt ta’ tluq għal pjani u inizjattivi li jappoġġaw l-istandardizzazzjoni tal-ICT, u għandu jiddetermina l-oqsma prijoritarji u l-attivitajiet essenzjali bi skeda (pjan direzzjonali).

1.2.

Il-KESE jemmen li l-istandardizzazzjoni għandha tgħin biex jiżdied il-valur miżjud, jiġu żgurati l-impjiegi fl-oqsma kollha u jitjieb il-livell tal-benessri tas-soċjetà inġenerali. Għalhekk huwa partikolarment importanti li jkunu identifikati l-oqsma prijoritarji fejn l-istandardizzazzjoni għandha titwettaq, inkluż fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), sabiex jissolvew dawn il-kwistjonijiet li huma importanti għal kulħadd. Għalhekk wieħed jista’ jirrikonoxxi li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija ferm meħtieġa u għala l-iżvilupp ta’ dan id-dokument huwa kruċjali biex jistandardizza ulterjorment l-ICT u, b’hekk, l-approfondiment tas-Suq Uniku Diġitali.

1.3.

Il-KESE jixtieq iressaq għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li jistgħu jgħinu lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-komunikazzjoni u dokumenti oħra ta’ akkumpanjament li fasslet.

1.3.1.   Rakkomandazzjoni 1

Il-KESE jirrakkomanda li fil-komunikazzjonijiet futuri u dokumenti oħra relatati, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-partijiet interessati kollha dwar il-ħtieġa ta’ approċċ bilanċjat fir-rigward tal-istandardizzazzjoni tal-ICT: standards bħala fattur restrittiv tal-kreattività.

1.3.2.   Rakkomandazzjoni 2

Il-KESE jirrakkomanda li għandhom isiru sforzi sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-oqsma ta’ prijorità għall-istandardizzazzjoni tal-ICT li għandhom ismijiet differenti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u fil-pjan rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT. Sabiex tinħoloq konsistenza bejn id-dokumenti differenti u t-testi kollha interrelatati, għandha tintuża l-istess terminoloġija.

1.3.3.   Rakkomandazzjoni 3

Minħabba l-importanza tad-determinazzjoni tal-prijoritajiet tal-istandardizzazzjoni tal-ICT, il-KESE jirrakkomanda li għandha tkun offerta aktar informazzjoni fuq il-ġustifikazzjonijiet, il-metodoloġija u r-riżultati fir-rigward tal-għażla tal-oqsma prijoritarji.

1.3.4.   Rakkomandazzjoni 4

Sabiex l-atturi kollha kkonċernati jkollhom fehim aħjar tal-implimentazzjoni u l-koerenza tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-KESE jirrakkomanda li għandha tiġi mxerrda l-informazzjoni fir-rigward ta’ attivitajiet rikorrenti biex jissuplimentaw jew ikomplu l-ħidma mnedija minn dan id-dokument.

1.3.5.   Rakkomandazzjoni 5

Biex ikun żgurat li l-partijiet interessati kollha jkollhom fiduċja li l-Kummissjoni, meta tfassal il-komunikazzjoni tagħha, tkun ikkunsidrat kwistjonijiet lil hinn minn dawk marbuta direttament mal-Prijoritajiet għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT u vvalutat ukoll l-impatt ta’ dawn il-prijoritajiet fuq diversi kwistjonijiet soċjali (ara l-Artikolu 11 TFUE), il-KESE jirrakkomanda li l-komunikazzjonijiet futuri tal-Kummissjoni jinkludu dettalji speċifiċi dwar il-parteċipazzjoni ta’ diversi partijiet interessati u dwar il-konsegwenzi soċjali tal-approċċ tagħha fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tal-ICT, li diġà jaffettwaw lis-soċjetà kollha.

1.4.

Filwaqt li l-Kumitat jappoġġa b’mod wiesa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-KESE madankollu jissuġġerixxi li jiġu evalwati:

jekk il-komunikazzjoni, fuq livell formali, hiex biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi deskritti, pereżempju il-qadi tar-rwol ta’ “mexxej” jew jekk huwiex meħtieġ li jintużaw forom li jippermettu aktar azzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet,

jekk hemmx lok li dan il-kunċett ta’ “mexxej” ikun rivedut u jekk ma rridux li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiffoka fuq il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istandardizzazzjoni, fuq bażi ta’ sħubija, aktar milli fuq il-prinċipji ta’ kompetizzjoni, peress li inġenerali għandhom l-istess ħtiġijiet, li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-UE.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fid-19 ta’ April 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-Istandards tal-ICT bħala l-Pedament tas-Suq Uniku Diġitali (COM(2016) 176 final)

2.2.

Għanijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni:

l-appoġġ u t-tisħiħ tar-rwol tal-Ewropa fl-ekonomija diġitali globali,

l-iżgurar li l-istandards marbuta mal-ICT isiru b’mod li jkunu ta’ tweġiba għall-ħtiġijiet tal-politika,

l-iżgurar li l-istandards ikunu dinamiċi, miftuħa, aktar marbuta mill-qrib mar-riċerka u l-innovazzjoni.

2.3.

Spirtu tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

Approċċ strateġiku u politiku komprensiv lejn l-istandardizzazzjoni tat-teknoloġija tal-ICT ta’ prijorità. Il-komunikazzjoni diskussa hawnhekk tistabbilixxi approċċ strateġiku u politiku komprensiv fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tat-teknoloġiji tal-ICT ta’ prijorità li għandhom rwol essenzjali fit-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali.

L-isfidi marbutin mal-istandardizzazzjoni tal-ICT. Sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi marbutin mal-istandardizzazzjoni tal-ICT, il-Kummissjoni ħabbret li se tniedi “pjan integrat ta’ standardizzazzjoni sabiex tidentifika u tiddefinixxi prijoritajiet ewlenin għall-istandardizzazzjoni b’enfasi fuq teknoloġiji u oqsma li huma meqjusa li huma ta’ importanza kritika għas-Suq Uniku Diġitali”.

2.4.

Kuntest tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

Standards komuni bħala l-pedament ta’ Suq Uniku Diġitali effettiv. L-istandards komuni għandhom jiżguraw l-interoperabilità tat-teknoloġiji diġitali u huma s-sinsla ta’ Suq Uniku Diġitali li jiffunzjona tajjeb. Huma għandhom jiggarantixxu li t-teknoloġiji jaħdmu flimkien b’mod affidabbli u flessibbli, joħolqu ekonomiji ta’ skala, jistimulaw ir-riċerka u l-innovazzjoni u jżommu s-swieq miftuħa. Min-naħa l-oħra, l-istandards nazzjonali diverġenti jistgħu jrażżnu l-innovazzjoni b’mod sinifikanti u jqiegħdu lin-negozji Ewropej fi żvantaġġ meta mqabbla mal-bqija tad-dinja.

Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea. Ir-reviżjoni reċenti tal-politika ta’ standardizzazzjoni tal-Unjoni wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea u l-ħolqien ta’ qafas għal sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni aktar trasparenti u effiċjenti għas-setturi industrijali kollha. Il-Komunikazzjoni diskussa hija bbażata fuq ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012  (1) u hija marbuta mal-Inizjattiva Konġunta proposta dwar l-Istandardizzazzjoni, li tifforma parti mill-Istrateġija usa’ dwar is-Suq Uniku (COM(2015) 550 final. Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji).

2.5.

Kwistjonijiet ewlenin tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni:

L-istandards tal-ICT, pilastru fundamentali tas-Suq Uniku Diġitali

It-twaqqif ta’ standards tal-ICT: kuntest globali kumpless u li qed jinbidel kontinwament

It-tweġiba tal-Ewropa: pjan ta’ żewġ pilastri biex jiddefinixxu l-prijoritajiet u jinkiseb l-iżvilupp tal-istandards tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali

Ħames oqsma ta’ prijorità: il-bażi tal-istandardizzazzjoni fl-ICT

Mobilizzazzjoni f’livell għoli sabiex jitwassal u jiġi żgurat rwol ewlieni permezz tal-istandards.

3.   Ħarsa ġenerali lejn u kummenti ġenerali dwar it-test tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1.    L-istandards tal-ICT, pilastru fundamentali tas-Suq Uniku Diġitali

3.1.1.

Fil-punt 1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, huwa indikat li t-trasformazzjoni tal-ekonomija globali f’ekonomija diġitali hija realtà fis-setturi kollha industrijali u fis-setturi tas-servizzi. Bl -istess mod, il-punt 1 jindirizza kwistjonijiet ġenerali relatati mal-Komunikazzjoni bħal:

l-iskop tal-komunikazzjoni;

in-natura tal-komunikazzjoni;

il-kuntest tal-komunikazzjoni.

3.2.    It-twaqqif ta’ standards tal-ICT: kuntest globali kumpless u li qed jinbidel kontinwament

3.2.1.

Fil-punt 2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, huwa indikat li l-iżvilupp tal-istandards tal-ICT imur id f’id ma’ bosta sfidi ġodda li jitolbu soluzzjoni mmirata u sostenuta fil-livell tal-UE.

3.2.2.

Fit-test tal-Komunikazzjoni, huwa enfasizzat li dawn l-isfidi jistgħu jwasslu b’mod partikolari għal tixrid tar-riżorsi limitati, in-nuqqas ta’ effikaċja u, b’mod aktar wiesa’, it-trażżin tal-kapaċità innovattiva tal-Ewropa.

3.3.    It-tweġiba tal-Ewropa: pjan ta’ żewġ pilastri biex jiddefinixxu l-prijoritajiet u jinkiseb l-iżvilupp tal-istandards tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali

3.3.1.

Fil-punt 3, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni ta’ prijorità għall-mewġa li jmiss ta’ standardizzazzjoni tat-teknoloġiji fl-ekonomija diġitali.

3.3.2.

L-approċċ propost mill-Kummissjoni:

1.

Il-Komunikazzjoni għandha tistabbilixxi lista tal-elementi kostitwenti ta’ prijorità għas-Suq Uniku Diġitali, fejn l-istandardizzazzjoni mtejba fil-qasam tal-ICT hija l-aktar urġenti, flimkien mar-riżultati u skeda ta’ żmien.

2.

Il-Kummissjoni tipproponi li tintroduċi mekkaniżmu politiku ta’ livell għoli biex tivvalida, tissorvelja u, fejn xieraq, tadatta l-lista ta’ prijoritajiet. Huwa previst li dan il-mekkaniżmu juża l-istrumenti tas-Sistema Ewropea tal-Istandardizzazzjoni, u jinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, kemm fl-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali.

3.3.3.

Iż-żewġ partijiet ta’ dan il-pjan ta’ prijorità għandhom jitmexxew ‘il quddiem flimkien, sabiex ikun żgurat li l-UE ssir mexxejja fl-ekonomija diġitali globali.

3.4.    Ħames oqsma ta’ prijorità: l-elementi kostitwenti tal-iffissar tal-istandards tal-ICT

3.4.1.

Fil-punt 3.1 tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni identifikat ħames oqsma ta’ prijorità li huma l-elementi kostitwenti teknoloġiċi essenzjali tas-Suq Uniku Diġitali (l-ordni tal-lista tal-oqsma mhix importanti).

cloud computing,

Internet tal-Oġġetti (IoT),

komunikazzjonijiet 5G,

it-teknoloġija tal-(big) data,

ċibersigurtà.

3.4.2.

Dawn l-oqsma ntgħażlu abbażi ta’ pariri mogħtija mill-Pjattaforma Ewropea b’Bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni fil-qasam tal-ICT, li tlaqqa’ flimkien il-partijiet interessati fl-industrija, dawk li jiffissaw l-istandards, il-gvernijiet u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

3.4.3.

It-trasformazzjoni diġitali qed ikollha impatt sinifikanti fuq setturi differenti kif ukoll fuq il-konsumaturi. Ħafna oqsma importanti ta’ applikazzjoni tal-ICT (pereżempju: saħħa-elettronika, sistemi ta’ trasport intelliġenti, enerġija intelliġenti, manifattura avvanzata, bliet intelliġenti, eċċ) huma bbażati direttament fuq il-ħames prijoritajiet tal-istandardizzazzjoni tal-ICT magħżula.

3.4.4.

Il-prijoritajiet magħżula jikkumplimentaw strumenti ta’ standardizzazzjoni oħrajn użati għall-implimentazzjoni tal-politika Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni. Minbarra l-Inizjattiva Konġunta dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea ppjanata, dawn huma l-Pjan Rikorrenti għall-Istandardizzazzjoni fil-qasam tal-ICT u l-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Unjoni.

3.5.    Mobilizzazzjoni f’livell għoli sabiex jitwassal u jiġi żgurat rwol ewlieni permezz tal-istandards

3.5.1.

Il-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jiddikjara li mhux biżżejjed li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet għal standards tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali biss. Is-suċċess jiddependi fuq livell għoli ta’ impenn għal standardizzazzjoni minn bażi wiesgħa ta’ partijiet interessati, inklużi l-industrija, l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni u l-komunità tar-riċerka, kif ukoll l-istituzzjonijiet tal-UE u l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

3.5.2.

Il-Kummissjoni tipproponi proċess ta’ livell għoli biex twettaq l-azzjonijiet ta’ prijorità. Dan il-proċess jibni fuq u jikkumplimenta l-Pjattaforma Ewropea b’Bosta Partijiet Interessati, il-Pjan Rikorrenti tal-ICT għall-Istandardizzazzjoni fil-qasam tal-ICT u l-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Unjoni għall-Istandardizzazzjoni Ewropea bħala l-mekkaniżmi għat-twassil tal-istandards u r-riżultati tal-istandardizzazzjoni. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tiddeskrivi kull element tal-proċess u l-attivitajiet kollha relatati.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.    Il-bilanċ ġust bejn l-istandardizzazzjoni u l-kreattività

4.1.1.

Fid-dawl tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, l-istandardizzazzjoni mhuwiex għan fih innifsu, iżda biss mezz, li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li jinkoraġġixxi r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-ICT.

4.1.2.

Kwalunkwe standard mhux biss joffri opportunitajiet iżda jistabbilixxi wkoll oqfsa u limitazzjonijiet. L-istandards jistgħu jgħinu l-iżvilupp, iżda wkoll irażżnuh, b’mod partikulari f’oqsma bi żvilupp rapidu ħafna, bħall-ICT.

4.1.3.

Fil-punt 2 tal-Komunikazzjoni bl-isem “L-iffissar tal-istandards għall-ICT: kuntest globali li joffri sfidi u li qed jinbidel malajr”, li jiddiskuti l-problemi fil-proċess ta’ standardizzazzjoni, huwa indikat li: “…il-kumplessità dejjem tikber li tirriżulta minn proliferazzjoni tal-istandards, kif ukoll id-diversità tal-komunitajiet tekniċi involuti fl-iffissar tal-istandards, jistgħu jnaqqsu r-ritmu tal-innovazzjoni”.

4.1.4.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika (Rapport fil-qosor dwar il-konsultazzjoni pubblika “Standards fis-Suq Uniku Diġitali li jiffissa prijoritajiet u jiżgura t-twassil”) jiżvelaw l-opinjonijiet tal-gruppi tal-partijiet interessati kkonċernati, bħas-settur tal-ICT. Dan is-settur irid proċess ta’ standardizzazzjoni “minn isfel għal fuq”.

4.1.5.

Huwa ċar li t-twaqqif sever iżżejjed jew prematur tal-istandards jista’

jirrestrinġi l-kreattività, li ddewwem l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ġodda u innovattivi;

iwassal għal sitwazzjoni fejn l-istandards ikunu żviluppati u approvati, iżda fejn il-produtturi jwettqu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum skont “standards” oħrajn li stabbilixxew huma stess.

4.1.6.

Dan ifisser li, fil-proċess ta’ standardizzazzjoni, jeħtieġ li tiġi valutata bir-reqqa s-sitwazzjoni fir-rigward tat-tfassil, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ kull standard u għandu jinstab bilanċ raġonevoli bejn l-istandards bħala fattur restrittiv u l-kreattività, jiġifieri għandha titħalla l-possibbiltà li jkun hemm espressjoni libera permezz tal-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda “mhux standard”.

4.1.7.   Rakkomandazzjoni 1

Il-KESE jirrakkomanda li fil-komunikazzjonijiet futuri u dokumenti oħra relatati, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-partijiet interessati kollha dwar il-ħtieġa ta’ approċċ bilanċjat fir-rigward tal-istandardizzazzjoni tal-ICT: standards bħala fattur restrittiv tal-kreattività.

4.2.    Inkonsistenzi bejn l-oqsma ta’ prijorità fid-dokumenti differenti marbuta mal-istandardizzazzjoni

4.2.1.

Fil-punt 3.1 tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta l-ħames oqsma ta’ prijorità dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT:

cloud computing,

Internet tal-Oġġetti (IoT),

komunikazzjonijiet 5G,

ċibersigurtà,

teknoloġiji tal-(big) data.

4.2.2.

Fl-istess ħin, il-komunikazzjoni tirreferi għall-pjan rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT. Id-diversi oqsma identifikati u deskritti fit-test tal-pjan rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT tal-2016 huma elenkati hawn taħt:

3.5.

Faċilitaturi ewlenin u sigurtà

95

 

3.5.1.

Cloud computing

96

 

3.5.2.

Informazzjoni tas-settur pubbliku, data miftuħa u l-big data

101

 

3.5.3.

Gvern elettroniku

106

 

 

3.5.3.1.

Profil ta’ applikazzjoni tad-DCAT għal portali tad-data fl-Ewropa

107

 

 

3.5.3.2.

Skambju tal-metadata dwar assi interoperabbli li jistgħu jerġgħu jintużaw (Gvern elettroniku)

107

 

 

3.5.3.3.

Vokabularji ewlenin biex jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet interoperabbli

107

 

3.5.4.

Identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji fosthom il-firem elettroniċi

109

 

3.5.5.

Identifikazzjoni permezz tal-Frekwenza tar-Radju (RFID)

112

 

3.5.6.

Internet tal-Oġġetti

114

 

3.5.7.

Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni

120

 

3.5.8.

Privatezza elettronika (ePrivacy)

124

 

3.5.9.

Infrastrutturi elettroniċi għax-xjenza tad-data tar-riċerka u dik li tuża ħafna il-kompjuter

127

 

3.5.10.

Immappjar tal-Infrastruttura Broadband

131

 

3.5.11.

Preservazzjoni taċ-ċinema diġitali

134

4.2.3.

Għalkemm dawn iż-żewġ dokumenti – il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-Pjan Rikorrenti għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT 2016 – huma marbuta u kumplimentari, jużaw terminoloġija differenti. Ebda wieħed miż-żewġ dokumenti ma jagħmel rabta bejn oqsma simili ta’ standardizzazzjoni.

4.2.4.   Rakkomandazzjoni 2

Il-KESE jirrakkomanda li għandhom isiru sforzi sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-oqsma ta’ prijorità għall-istandardizzazzjoni tal-ICT li għandhom ismijiet differenti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u fil-pjan rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT. Sabiex tinħoloq konsistenza bejn id-dokumenti differenti u t-testi kollha interrelatati, għandha tintuża l-istess terminoloġija.

4.3.    Għażla tal-prijoritajiet ta’ standardizzazzjoni għall-ICT

4.3.1.

Fil-punt 3.1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-ħames oqsma ta’ prijorità dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT huma elenkati u huwa speċifikat: “Dawn l-oqsma ntgħażlu abbażi ta’ pariri mogħtija mill-Pjattaforma Ewropea b’Bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni fil-qasam tal-ICT, li tlaqqa’ flimkien il-partijiet interessati fl-industrija, dawk li jiffissaw l-istandards, il-gvernijiet u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Proċess ta’ konsultazzjoni pubblika kkonferma kunsens wiesa’ madwar il-prijoritizzazzjoni ppreżentata hawnhekk.”

4.3.2.

Saret konsultazzjoni pubblika bejn it-23 ta’ Settembru 2015 u l-4 ta’ Jannar 2016 u kien hemm 168 parteċipant. Ir-riżultati tal- konsultazzjoni jinsabu fir-Rapport fil-Qosor dwar il-Konsultazzjoni Pubblika “Standards fis-Suq Uniku Diġitali li jiffissaw Prijoritajiet u jiżguraw it-Twassil”.

4.3.3.

Peress li r-riżultati tal-istħarriġ għandhom jitqiesu fl-għażla ta’ oqsma ta’ prijorità tal-istrateġija fil-qasam tal-ICT li tidher fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u huma marbutin mal-biċċa l-kbira tal-intraprendituri Ewropej, parteċipazzjoni relattivament baxxa (168 parteċipant) tista’ teħtieġ aktar tagħrif dwar l-istruttura tal-kompożizzjoni tal-parteċipanti.

4.3.4.

Informazzjoni dwar il-gruppi ta’ dawk li wieġbu hija disponibbli fir-Rapport (2).

4.3.5.

Kif wieħed jista’ jara, diversi rispondenti huma parti minn diversi organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni. Proporzjon relattivament żgħir huwa magħmul minn żviluppaturi u produtturi – dawk li huma attenti għall-ħtiġijiet tas-suq, li jiddeterminaw jew isegwu x-xejriet tal-iżviluppi teknoloġiċi u li għandhom il-pjanijiet tagħhom ta’ żvilupp. F’ċifri assoluti, l-għadd tagħhom huwa żgħir.

4.3.6.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni li jinsabu fid-dokument “Rapport fil-Qosor” jipprovdu informazzjoni dwar l-oqsma magħżula iżda ma jindikawx in-numru ta’ oqsma effettivament eżaminati u lanqas x’inhuma (lanqas l-oqsma elenkati fil-pjan rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT). Lanqas ma jippreċiżaw l-awturi tal-għażliet, jew, jekk il-lista oriġinali kienet tinkludi wkoll oqsma oħra, u x’kienu l-opinjonijiet.

4.3.7.   Rakkomandazzjoni 3

Minħabba l-importanza tad-determinazzjoni tal-prijoritajiet tal-istandardizzazzjoni tal-ICT, il-KESE jirrakkomanda li għandha tkun offerta aktar informazzjoni fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet, il-metodoloġija u r-riżultati b’rabta mal-għażla tal-oqsma prijoritarji.

4.4.    Ċiklu tal-ħajja tal-komunikazzjoni

4.4.1.

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ssemmi għadd ta’ punti konkreti u li jevolvu maż-żmien, b’mod partikolari l-oqsma ta’ prijorità, l-azzjonijiet ewlenin, l-iskadenzi ewlenin u ħafna iktar. Dan ifisser li tali dokument, f’dan il-każ il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, ma jistax ikun imfassal għal żmien twil.

4.4.2.

Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm proċedura speċifika, applikata fil-prattika, li tiddeskrivi kif u kemm drabi d-dokument se jiġi rivedut, il-konsultazzjonijiet pubbliċi organizzati, id-deċiżjonijiet meħuda, l-ippjanar operazzjonali mwettaq u attivitajiet oħra mwettqa – jiġifieri, il-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja regolari ta’ dokument u kwalunkwe attivitajiet relatati għandhom jiġu ppjanati.

4.4.3.   Rakkomandazzjoni 4

Sabiex l-atturi kollha kkonċernati jkollhom fehim aħjar tal-implimentazzjoni u l-koerenza tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-KESE jirrakkomanda li għandha tiġi mxerrda l-informazzjoni fir-rigward ta’ attivitajiet rikorrenti biex jissupplimentaw jew ikomplu l-ħidma mnedija minn dan id-dokument.

4.5.    Suġġetti li mhumiex koperti biżżejjed

4.5.1.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ssemmi diversi aspetti marbuta mal-għażla tal-prijoritajiet ta’ standardizzazzjoni tal-ICT, kif ukoll l-attivitajiet ippjanati dwar il-kontinwazzjoni ta’ din l-azzjoni. Madankollu, permezz dan it-test u d-dokumenti relatati, il-grupp ta’ studju tal-KESE sab li diversi aspetti importanti għas-soċjetà mhuma diskussi imkien, jew huma msemmija biss b’mod inċidentali.

4.5.2.

Għalkemm l-għan ewlieni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa li jiddetermina l-linji gwida ta’ prijorità għall-istandardizzazzjoni tal-ICT u attivitajiet relatati, l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħha fil-prattika għandhom jipproduċu wkoll effetti diretti jew indiretti, f’oqsma bħal:

id-drittijiet tal-konsumatur,

l-attività tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME),

l-impjieg u s-sigurtà tiegħu,

il-ħin u l-kundizzjonijiet tax-xogħol,

il-possibbiltajiet ta’ aċċess għall-ICT għall-persuni b’diżabilità jew bi bżonnijiet partikolari,

il-ħarsien ambjentali;

diversi kwistjonijiet oħra relatati mad-dimensjoni soċjali.

4.5.3.

Il-KESE jinnota li matul il-proċess ta’ standardizzazzjoni, għandha tingħata attenzjoni lil dawn il-punti:

li tipprovdi lill-partijiet interessati kollha b’“kundizzjonijiet ekwi”,

l-enfasi tal-importanza ta’ kwistjonijiet ta’ standardizzazzjoni fi ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles tal-UE,

kif is-setturi ta’ attività jiġu kklassifikati,

il-kompetenzi tal-impjegati biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istandards,

id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema,

l-involviment ta’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fi djalogu.

4.5.4.   Rakkomandazzjoni 5

Biex ikun żgurat li l-partijiet interessati kollha jkollhom fiduċja li l-Kummissjoni, meta tfassal il-komunikazzjoni tagħha, tkun ikkunsidrat kwistjonijiet lil hinn minn dawk marbuta direttament mal-Prijoritajiet għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT u vvalutat ukoll l-impatt ta’ dawn il-prijoritajiet fuq diversi kwistjonijiet soċjali (ara l-Artikolu 11 TFUE), il-KESE jirrakkomanda li l-komunikazzjonijiet futuri tal-Kummissjoni jinkludu aktar dettalji speċifiċi dwar il-parteċipazzjoni ta’ diversi partijiet interessati u dwar il-konsegwenzi soċjali tal-approċċ tagħha fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tal-ICT, li diġà jaffettwa lis-soċjetà kollha.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12

(2)  http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/image/document/2016-17/synopsis_report_on_the_public_consultation_-_standards_in_the_digital_single_market_setting_priorities_and_ensuring_delivery_15264.pdf


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/99


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-gvern elettroniku għall-2016-2020 — Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika”

[COM(2016) 179 final]

(2016/C 487/16)

Relatur:

is-Sur Raymond HENCKS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 19.4.2016

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

7.9.2016

Adottata fis-sessjoni plenarja

22.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

162/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-għan tal-Unjoni Ewropea li jkollha gvern elettroniku sal-2020 li jipprovdi servizzi diġitali li jkunu minn tarf sa ieħor, faċli għall-utent, personalizzati u mingħajr fruntieri ma jidhirx fattibbli bir-rata attwali ta’ implimentazzjoni tal-pjani ta’ azzjoni suċċessivi relatati f’għadd kbir ta’ Stati Membri.

1.2.

Il-KESE jappoġġja l-proposti tat-tielet Pjan ta’ Azzjoni Ewropew (2016–2020) li għandu l-għan li jħaffef il-pass tal-implimentazzjoni ta’ gvern elettroniku effiċjenti, interoperabbli u aċċessibbli għal kulħadd.

1.3.

Gvern elettroniku jista’ jaħdem biss jekk ikunu ssodisfati prerekwiżiti oħra, pereżempju d-disponibbiltà ta’ netwerk u ta’ servizzi diġitali effiċjenti, aċċess universali għal prezz raġonevoli u taħriġ diġitali adegwat tal-utenti fil-livelli kollha u għall-etajiet kollha. Anki jekk fuq perjodu ta’ żmien medju jew twil, il-gvern elettroniku huwa maħsub li jsir il-mezz ta’ komunikazzjoni predefinit, għandhom jinżammu l-mezzi tradizzjonali ta’ komunikazzjoni (posta, kuntatti personali, telefown) mal-amministrazzjoni pubblika għal dawk iċ-ċittadini li jixtiequ jużawhom.

1.4.

Fir-rigward tad-drittijiet tal-utenti tal-gvern elettroniku, b’mod partikolari d-drittijiet tal-aċċess u n-nondiskriminazzjoni, tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali, ta’ edukazzjoni u ta’ għarfien ġenerali mill-edukazzjoni skolastika sal-livell tat-tagħlim tul il-ħajja, rimedji legali eċċ., il-KESE jipproponi lill-Kummissjoni biex tiġbor, f’sit uniku, id-drittijiet kollha tal-utenti tal-gvern elettroniku.

1.5.

Il-KESE japprova s-seba’ prinċipji li fuqhom hija bbażata l-proposta tal-Kummissjoni, iżda jiddubita jekk uħud minnhom jistgħux jiġu implimentati mingħajr ma jiġu solvuti l-problemi legali u teknoloġiċi marbuta magħhom.

1.6.

Fir-rigward tal-prinċipju “ta’ darba”, li skontu l-individwi u l-intrapriżi m’għandhomx jagħtu l-informazzjoni iktar minn darba lill-amminstrazzjonijiet, il-KESE jinnota li għadhom ma ssolvewx il-problemi legali u organizzattivi u jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi proġett pilota dwar din il-kwistjoni. Huwa jipproponi wkoll li jiġi previst il-prinċipju ta’ “approċċ li jikkunsidra l-gvern kollu”, li jikkonsisti f’kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet pubbliċi differenti lil hinn mil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom biex jipprovdu lill-applikant bi tweġiba integrata minn korp wieħed.

1.7.

Il-KESE jinnota b’dispjaċir ukoll li l-prinċipju ta’ “nuqqas ta’ legat”(no legacy principle), li jfisser it-tiġdid tas-sistemi u t-teknoloġiji tal-IT fl-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex ikunu dejjem allinjati mal-iżviluppi teknoloġiċi, ma jinsabx fost il-prinċipji adottati.

1.8.

Jinsisti li, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ “ftuħ u trasparenza”, iċ-ċittadini u n-negozji għandhom, b’mod espliċitu, id-dritt li jikkontrollaw il-komunikazzjoni tad-data personali tagħhom lil amministrazzjonijiet pubbliċi oħrajn u, skont il-każ, li jħassruha (id-dritt li wieħed ikun minsi), skont il-leġislazzjoni u l-proċeduri vinkolanti u jitlob għal proposta ta’ sistema sigura Ewropea ta’ arkivjar u ta’ skambju elettroniku ta’ dokumenti.

1.9.

Meta wieħed iqis li bosta nies jeħtieġu jiffamiljarizzaw ruħhom mal-għodda l-ġdida tal-gvern elettroniku, il-KESE jemmen li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom għandhom joffru liċ-ċittadini taħriġ fil-ħiliet diġitali u jiġu mistiedna joħolqu servizz diġitali assistit jew servizz ta’ appoġġ lokali kkofinanzjati mill-fondi tal-UE. Dan japplika wkoll għall-persunal tal-amministrazzjonijiet pubbliċi bħala parti mit-taħriġ vokazzjonali kontinwu.

1.10.

Il-KESE jinnota b’dispjaċir li l-Pjan ta’ Azzjoni ma jsemmi xejn dwar l-implikazzjonijiet u l-konsegwenzi soċjali tal-gvern elettroniku, kif ukoll dwar l-impatt fuq l-impjieg, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mat-telf ta’ impjiegi kif ukoll il-ħafna postijiet vakanti minħabba nuqqas ta’ kandidati li jkollhom il-kwalifiki professjonali diġitali meħtieġa. Fil-kuntest ta’ riallokazzjoni ta’ impjiegi, li jsiru disponibbli fit-tranżizzjoni tal-amministrazzjoni pubblika għad-diġitali, l-uffiċjali għandhomjiġu allokati għas-servizz diġitali assistit jew jingħataw kompiti ta’ ħidma professjonali xierqa.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku għall-2011-2015 (l-użu tal-ICT għall-promozzjoni ta’ gvern elettroniku intelliġenti, sigur, sostenibbli u innovattiv) (1) skada f’Diċembru 2015.

2.2.

Madankollu, il-gvern elettroniku jibqa’ wieħed mill-ħidmiet ewlenin tal-Aġenda Diġitali u waħda mill-aktar inizjattivi importanti, fil-livell tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri, meħtieġa għall-ikkompletar tas-“suq uniku diġitali”.

2.3.

Bosta inizjattivi previsti fil-pjan ta’ azzjoni li skada għadhom ma ġewx implimentati kif imiss f’ħafna Stati Membri u għandhom jiġġeddu fil-pjan ta’ azzjoni l-ġdid dwar il-gvern elettroniku għall-perjodu 2016-2020.

2.4.

L-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom għalhekk itejbu d-disinn tas-servizzi elettroniċi tagħhom, b’enfasi akbar fuq il-bżonnijiet tal-utenti sabiex ikun żgurat il-funzjonament tas-servizzi ta’ gvern elettroniku effettivi u effiċjenti lil hinn mill-fruntieri nazzjonali.

3.   Il-kontenut tal-Komunikazzjoni

3.1.

Il-pjan ta’ azzjoni l-ġdid, b’enfasi fuq l-aċċelerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali, huwa mistenni li jservi ta’ xprun u għandu jippermetti li jiġu kkoordinati l-isforzi u r-riżorsi għall-immodernizzar tas-settur pubbliku fil-qasam tal-gvern elettroniku.

3.2.

Huwa jikkonsisti f’20 azzjoni, li madankollu mhumiex eżawrjenti u li jistgħu jiġu supplimentati, f’konformità mal-iżvolġiment ta’ ambjent li qed jinbidel b’pass mgħaġġel, b’miżuri oħra, proposti jew mill-Kummissjoni jew mill-partijiet interessati.

3.3.

L-inizjattivi li se jitniedu fil-qafas tal-pjan ta’ azzjoni l-ġdid għandhom jirrispettaw il-prinċipji sottostanti li ġejjin:

Diġitali b’mod awtomatiku: is-servizzi elettroniċi għandhom isiru r-regola ġenerali, filwaqt li jinżammu mezzi oħra ta’ komunikazzjoni għall-benefiċċju ta’ dawk li, b’għażla jew bilfors, huma offlajn. Barra minn hekk, is-servizzi pubbliċi għandhom ikunu pprovduti permezz ta’ intermedjarju ta’ punt ta’ kuntatt uniku jew bħala punt ta’ kuntatt uniku u permezz ta’ mezzi differenti.

Prinċipju “ta’ darba”: skont dan il-prinċipju, l-individwi u n-negozji m’għandhomx għalfejn ikollhom jipprovdu l-istess informazzjoni iktar minn darba lill-awtoritajiet.

Inklużività u aċċessibbiltà: l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom joħolqu servizzi diġitali pubbliċi li huma inklużivi b’mod awtomatiku u li jissodisfaw diversi tipi ta’ ħtiġijiet, bħal dawk tal-persuni anzjani jew b’diżabilità.

Ftuħ u trasparenza: l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jaqsmu l-informazzjoni u d-data u jippermettu liċ-ċittadini u n-negozji jaċċessaw id-data tagħhom stess, jiċċekkjawha u jikkoreġuha; jippermettu lill-utenti jsegwu l-proċeduri amministrattivi li jaffettwawhom; u jiddjalogaw, fi spirtu ta’ ftuħ, mal-partijiet interessati (negozji, riċerkaturi u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’qligħ) dwar it-tfassil u l-provvista tas-servizzi.

Transkonfinali b’mod awtomatiku; l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jiżguraw li s-servizzi pubbliċi diġitali rilevanti jkunu disponibbli lil hinn mill-fruntieri u jevitaw il-frammentazzjoni addizzjonali, sabiex tiġi ffaċilitata l-mobilità fis-suq uniku.

Interoperabbiltà b’mod awtomatiku: is-servizzi pubbliċi għandhom ikunu ddisinjati b’mod li jkunu jistgħu joperaw kontinwament fis-suq uniku kollu, indipendentement mid-diviżjonijiet operattivi, billi jkunu bbażati fuq il-moviment liberu tad-data u s-servizzi diġitali fl-Unjoni Ewropea.

Affidabilità u sigurtà: l-inizjattivi kollha għandhom imorru lil hinn milli sempliċement jirrispettaw il-qafas legali eżistenti għall-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza, kif ukoll is-sigurtà tal-IT, bl-integrazzjoni ta’ dawn l-elementi matul il-fażi tad-disinn.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tħaffef il-pass tal-iżvilupp u l-użu tas-servizzi tal-gvern elettroniku. Minn meta tnieda l-ewwel pjan ta’ azzjoni tal-gvern elettroniku fl-2006, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jippromovu s-servizzi ta’ gvern elettroniku effettivi, effiċjenti, interoperabbli u aċċessibbli b’mod universali, inklużi servizzi elettroniċi lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Dawn l-impenji ġew ikkonfermati fil-qafas tal-istrateġija għal suq uniku diġitali sal-2020.

4.2.

Madankollu ta’ min josserva li minkejja li sar xi progress, kif jirriżulta mill-evalwazzjonijiet tal-pjan ta’ azzjoni għall-2011-2015, u minkejja riżorsi finanzjarji sostanzjali Komunitarji disponibbli, iżda li ftit intużaw mill-Istati Membri, l-utenti għadhom qed jiffaċċjaw, fi gradi li jvarjaw ħafna skont l-Istati Membri, frammentazzjoni fl-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri, u provvista insuffiċjenti ta’ servizzi elettroniċi transkonfinali. Il-KESE jistaqsi dwar ir-raġunijiet għaliex il-fondi tal-UE disponibbli għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom mhux utilizzati biżżejjed u jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi dwar is-suġġett, telimina l-ostakli possibbli u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw dawn il-fondi b’mod effettiv u effiċjenti, b’mod partikolari fil-qasam tal-gvern elettroniku.

4.3.

Il-gvern elettroniku huwa wieħed mill-elementi ewlenin tal-istrateġija għal suq uniku diġitali. Madankollu, hemm elementi ewlenin oħrajn diġitali, li mhumiex koperti minn din il-Komunikazzjoni, li jikkostitwixxu prerekwiżit għal implimentazzjoni ta’ gvern elettroniku. Għalhekk, huwa ċar li n-netwerks u s-servizzi diġitali avvanzati għandhom ikunu disponibbli għaċ-ċittadini ta’ kull età u għall-intrapriżi, u li dawn ikollhom aċċess universali bi prezz raġonevoli, irrispettivament mis-sitwazzjoni ġeografika jew finanzjarja tagħhom u li jkunu jistgħu, fejn meħtieġ, jiġu pprovduti assistenza u taħriġ biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jibbenefikaw mill-applikazzjonijiet diġitali b’mod effettiv u responsabbli.

4.4.

Element ewlieni ieħor huwa li d-drittijiet tal-utenti tal-gvern elettroniku l-ewwel nett, juru li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li japplikaw għall-utenti tal-Internet, b’mod partikolari d-drittijiet tal-aċċess u n-nondiskriminazzjoni, tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali, ta’ edukazzjoni u ta’ għarfien ġenerali mill-edukazzjoni skolastika sal-livell tat-tagħlim tul il-ħajja, rimedji legali eċċ. Imbagħad hemm drittijiet speċifiċi relatati direttament mal-gvern elettroniku. Fid-dawl tas-sorsi differenti tad-drittijiet li jgawdu l-utenti tal-gvern elettroniku, il-KESE jipproponi lill-Kummissjoni tiġbor f’sit uniku d-drittijiet kollha tal-utenti tal-gvern elettroniku.

4.5.

Wara li kkunsidrat li ta’ spiss ikun diffiċli għall-utenti biex isibu l-informazzjoni u l-assistenza elettroniċi li jeħtieġu, il-Kummissjoni tipproponi, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali, il-ħolqien ta’ punt diġitali/portal uniku. Portali uniċi bħal dawn jiffunzjonaw diġà fil-parti l-kbira tal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-ħolqien ta’ tali punt ta’ aċċess għall-amministrazzjoni pubblika ċentrali nazzjonali, reġjonali jew muniċipali sabiex jorjenta l-utenti direttament lejn l-awtoritajiet kompetenti biex jipproċessaw l-applikazzjonijiet jew ix-xewqat tagħhom.

4.6.

Il-pjan ta’ azzjoni għall-2016-2020 huwa bbażat fuq seba’ prinċipji li, fil-parti l-kbira tagħhom, kienu jeżistu diġà għall-pjani ta’ azzjoni preċedenti. Għalkemm, bħala regola ġenerali, il-KESE japprova dawn il-prinċipji, madankollu, jistaqsi kif jistgħu jiġu implimentati qabel ma tinsab soluzzjoni għal kull problema legali (ġestjoni tad-data personali u tal-privatezza f’kuntest ta’ amminstrazzjoni miftuħa) u teknoloġika (teknoloġiji abilitanti u industrijali, il-migrazzjoni tas-servizzi lejn il-mezzi diġitali) marbuta magħhom.

4.7.

Il-pjan ta’ azzjoni l-ġdid jiffoka fuq l-interoperabbiltà u l-użu mill-ġdid tad-data li jkollhom l-amministrazzjonijiet pubbliċi, peress li ħafna data miġbura llum mill-amministrazzjoni pubblika għandha għan uniku jew limitat ħafna. Fil-qafas tal-prinċipju “ta’ darba”, l-utenti ma jkollhomx għalfejn jintroduċu d-data tagħhom attwali f’kuntatti ġodda mal-amministrazzjoni pubblika, li tista’ taqsamhom mal-amministrazzjonijiet l-oħra, naturalment f’konformità mal-protezzjoni tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza. Skont dan il-prinċipju, ir-reġistri kummerċjali fl-UE kollha għandhom ikunu konnessi, id-diversi sistemi nazzjonali u transkonfinali għandhom jaħdmu flimkien, u l-awtoritajiet ma għandhomx ikollhom għalfejn jagħmlu talba mill-ġdid, diversi drabi, għal informazzjoni li diġà għandhom. Għalkemm ir-Regolament dwar il-protezzjoni tad-data jibqa’ applikabbli għall-gvern elettroniku, il-KESE jemmen li hemm bżonn li jinżamm bilanċ bejn il-kontroll tal-istat tad-dritt u s-sigurtà u l-libertà taċ-ċittadini.

4.8.

L-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni huwa li timxi pari passu ma’ ambjent li qed jinbidel b’rata mgħaġġla. Madankollu, il-KESE jinnota ukoll li l-prinċipju ta’ “nuqqas ta’ legat”, li jfisser it-tiġdid tas-sistemi u t-teknoloġiji tal-IT fl-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex ikunu dejjem allinjati mal-iżviluppi teknoloġiċi, ma jinsabx fost is-seba’ prinċipji adottati, fl-istennija li jkun ittestjat mill-Kummissjoni bil-ħsieb ta’ implimentazzjoni potenzjali.

4.9.

Il-Kummissjoni tistqarr li trid tagħmel enfasi fuq l-involviment taċ-ċittadini fit-tfassil tas-servizzi pubbliċi diġitali u, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ “ftuħ u trasparenza”, tistieden lill-amministrazzjonijiet pubbliċi biex jiddjalogaw maċ-ċittadini, in-negozji, ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u tal-konsumaturi, ir-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fir-rigward tad-disinn u l-provvista tas-servizzi.

4.10.

Iċ-ċittadini jistgħu għalhekk iressqu l-proposti tagħhom u jindirizzaw direttament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għat-talbiet speċifiċi tagħhom permezz ta’ “pjattaforma kollaborattiva” li se tpoġġi f’netwerk iċ-ċittadini u l-awtoritajiet u tippermetti li jiġu identifikati problemi simili f’pajjiżi differenti, kif ukoll l-aħjar prattiki u s-soluzzjonijiet ta’ implimentazzjoni mill-amministrazzjonijiet. Il-KESE jappoġġja inizjattiva bħal din li tippermetti li kull ċittadin iressaq quddiem l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, il-problemi li jkun hemm fl-ambjent tiegħu.

4.11.

Il-prinċipju ta’ “ftuħ u trasparenza” jipprevedi li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jaqsmu l-informazzjoni u d-data u jippermettu li ċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess għad-data tagħhom stess u li jikkontrollawha u jikkoreġuha. Fir-rigward tad-data personali tagħhom, il-KESE jinsisti li ċ-ċittadini u n-negozji għandhom b’mod espliċitu d-dritt li jikkontrollaw il-komunikazzjoni tad-data personali tagħhom lil amministrazzjonijiet pubbliċi oħrajn u, skont il-każ, li jħassru d-data personali tagħhom (id-dritt li wieħed ikun minsi), skont il-leġislazzjoni u l-proċeduri vinkolanti.

4.12.

Il-KESE huwa tal-fehma li f’dan il-kuntest, u sabiex jiġu evitati inkompatibbiltajiet ġodda, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta għal sistema sigura Ewropea ta’ arkivjar u ta’ skambju elettronika ta’ dokumenti.

4.13.

Prinċipju li l-pjan ta’ azzjoni ma jsemmix, huwa dak tal-“approċċ li jikkunsidra l-gvern kollu”, li jikkonsisti f’kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet pubbliċi differenti lil hinn mil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom biex jipprovdu lill-applikant bi tweġiba integrata minn korp wieħed.

4.14.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tħaffef l-implimentazzjoni ta’ “punti uniċi ta’ kuntatt” li jittrattaw il-ġustizzja elettronika, fil-qasam marittimu, u fil-modi l-oħra ta’ trasport. L-istrateġija futura għandha timmira li tiġbor flimkien, fejn possibbli, portali Ewropej eżistenti (bħall-ġustizzja elettronika, solvit, youreurope, eċċ.) f’portal uniku u mbagħad, qabel kollox, testendih għall-portali nazzjonali biex jiġi ffaċilitat kull tip ta’ proċeduri amministrattivi.

4.15.

Għalkemm il-KESE japprova l-idea li bil-għan li jiżviluppaw is-servizzi elettroniċi tagħhom, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom għandhom jirrikorru għal dawn il-portali fil-futur, huwa jenfasizza li dawn għandhom jikkomplementaw il-punti ta’ akkoljenza fiżiċi u l-mezzi ta’ komunikazzjoni tradizzjonali (posta, skambji interpersonali f’uffiċċji, telefown).

4.16.

In-Nazzjonijiet Uniti jużaw indiċi ta’ żvilupp bi tliet kriterji biex jiġu identifikati l-pajjiżi fejn il-gvern elettroniku huwa l-aktar żviluppat: is-servizzi elettroniċi ddedikati għaċ-ċittadini, l-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet, u l-kapital uman. Ta’ min jonnota li l-Pjan ta’ Azzjoni ma jsemmi xejn dwar l-implikazzjonijiet u l-konsegwenzi soċjali tal-gvern elettroniku, kif ukoll dwar l-impatt fuq l-impjieg, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mat-telf ta’ impjiegi kif ukoll il-ħafna postijiet vakanti minħabba li ma jkunx hemm biżżejjed kandidati li jkollhom il-kwalifiki professjonali diġitali meħtieġa.

4.17.

Il-fatt li jiġu offruti servizzi elettroniċi b’mod awtomatiku ma jistax jeżenta mit-tkomplija tal-ġlieda kontra d-distakk diġitali.

4.18.

Għad hemm differenzi kbar bejn, minn naħa, is-servizzi ta’ gvern elettroniku u, min-naħa l-oħra, l-użu u l-adozzjoni ta’ dawn is-servizzi mill-utenti. Din ir-riluttanza tal-utenti li jużaw is-servizzi elettroniċi spiss hija minħabba nuqqas ta’ ħiliet diġitali. Ħafna ċittadini għandhom bżonn jidraw din l-għodda l-ġdida tal-gvern elettroniku u ta’ “servizz diġitali assistit” jew servizz ta’ appoġġ lokali. Dan japplika wkoll għall-persunal tal-amministrazzjonijiet pubbliċi bħala parti mit-taħriġ vokazzjonali kontinwu.

4.19.

Il-KESE jemmen li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom għandhom jiġu mistiedna joħolqu tali servizz ta’ għajnuna diġitali għaċ-ċittadini, ikkofinanzjat mill-fondi tal-UE. Fil-kuntest ta’ riallokazzjoni ta’ impjiegi, li jsiru disponibbli fit-tranżizzjoni tal-amministrazzjoni pubblika għad-diġitali, l-uffiċjali għandhomjiġu allokati għas-servizz diġitali assistit jew jingħataw kompiti ta’ ħidma professjonali xierqa.

Brussell, it-22 ta’ Settembru 2016.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2010) 743 final u COM(2010) 744 final.


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/104


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Programm Nukleari Illustrattiv ppreżentat skont l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew”

[COM(2016) 177 final]

(2016/C 487/17)

Relatur:

is-Sur Brian CURTIS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 4.4.2016

Bażi legali

Artikolu 40 tat-Trattat Euratom

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

7.9.2016

Adottata fil-plenarja

22.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

210/2/11

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Qed jitħejjew bosta reviżjonijiet leġislattivi u inizjattivi relatati mal-enerġija sabiex jappoġġjaw il-programm tal-Unjoni tal-Enerġija li qed jiġi żviluppat, u dawn ser jiġu ppreżentati fit-12-il xahar li ġejjin. Seta’ kien mistenni li din ir-reviżjoni strateġika tartikola l-kwistjonijiet ewlenin li qed jiffaċċjaw il-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari, ir-riċerka u d-dekommissjonar bħala kontribut għal dan il-pakkett leġislattiv estensiv. Madankollu, il-Programm Nukleari Illustrattiv (PINC) ma joffrix approċċ ċar u komprensiv dwar kif il-futur kumpless tal-enerġija nukleari fit-taħlita enerġetika Ewropea jista’ jiġi indirizzat b’mod strateġiku.

1.2.

Il-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari hija politikament delikata f’ħafna mill-Istati Membri u hija influwenzata minn kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi li jvarjaw fuq livell nazzjonali. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tieħu din l-opportunità biex tipproponi proċess analitiku u metodoloġija ċari li jistgħu joffru qafas konsistenti u volontarju għat-teħid ta’ deċiżjonijiet nazzjonali dwar ir-rwol – jekk ikun hemm – tal-enerġija nukleari fit-taħlita tal-enerġija.

1.3.

Il-KESE, għaldaqstant, qed jappella biex isiru reviżjonijiet u żidiet fl-abbozz tal-Komunikazzjoni, kif spjegat f’punt 4.3, sabiex jinkludu sezzjonijiet speċifiċi dwar:

il-kompetittività tal-enerġija nukleari fuq perjodu ta’ żmien qasir, medju u fit-tul;

l-aspetti ekonomiċi relatati;

il-kontribut għas-sigurtà tal-provvista;

it-tibdil fil-klima u l-miri ta’ karbonju;

l-aċċettazzjoni pubblika, ir-responsabbiltà għal ħsarat nukleari, it-trasparenza u djalogu nazzjonali effettiv.

1.4.

Il-monitoraġġ trasparenti huwa essenzjali kemm għas-sikurezza nukleari kif ukoll għall-kunfidenza tal-pubbliku; għaldaqstant il-KESE jipproponi li d-dokument japprova b’mod ċar il-proposti għal monitoraġġ u rapportar fil-pjani ta’ azzjoni nazzjonali tal-Istati Membri kif suġġerit mill-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari. Għandhom isiru sforzi akbar sabiex jiġu inklużi pajjiżi ġirien li mhumiex fl-UE.

1.5.

Anke fir-rigward tal-kunfidenza pubblika, għandha ssir aktar referenza għall-ħidma estensiva dwar it-tħejjija lil hinn mis-sit u transkonfinali għall-emerġenzi (Review of Current Off-site Nuclear Emergency Preparedness and Response Arrangements in EU Member States and Neighbouring Countries. Euratom ta’ Diċembru 2013) u għall-konklużjonijiet tas-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari 2016, b’mod partikolari fir-rigward ta’ theddid terroristiku potenzjali.

1.6.

B’rikonoxximent tal-impenn kbir li qed tieħu l-UE għar-riċerka dwar il-fużjoni nukleari, ikun ta’ għajnuna li jiġi inkluż pjan direzzjonali li juri l-progress li għamlet lejn il-produzzjoni kummerċjali.

1.7.

Fid-dawl tal-votazzjoni mir-Renju Unit biex titlaq mill-UE, għandu jitqies l-impatt strateġiku ta’ din l-azzjoni u b’mod partikolari s-sinifikat tagħha għat-Trattat tal-Euratom. Il-ħtieġa għal deliberazzjoni dwar il-konsegwenzi b’effetti kbar potenzjali għandha tiġi rikonoxxuta b’mod espliċitu fil-PINC.

2.   Introduzzjoni

2.1.

B’konformità mal-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom, il-Kummissjoni għandha tippubblika programm nukleari illustrattiv fuq bażi regolari, b’mod partikulari dwar l-objettivi tal-produzzjoni tal-enerġija nukleari u kull tip ta’ investiment meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu. Il-Kummissjoni għandha tikseb l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar dan it-tip ta’ programmi qabel ma jiġu ppubblikati” (COM(2003) 370 final). Mill-1958 ġew ippubblikati ħames programmi nukleari illustrattivi (PINCs), l-aħħar wieħed fl-2007 u aġġornament wieħed fl-2008. Il-verżjoni finali ser titħejja u tiġi ppubblikata hekk kif il-Kummissjoni tirċievi l-Opinjoni tal-KESE.

2.2.

Il-Kumitat, bħal f’okkażjonijiet preċedenti, japprezza l-opportunità li jippreżenta l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ dokument qabel ma l-Kummissjoni tippreżenta verżjoni finali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni bl-aktar mod qawwi biex tinkorpora r-rakkomandazzjonijiet li jidhru fl-ewwel sezzjoni ta’ din l-Opinjoni, sabiex il-PINC ikun dokument aktar komprensiv u strateġiku u jiġi żgurat li jagħti kontribut aktar qawwi għall-pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija.

2.3.

L-enerġija nukleari hija waħda mill-aktar sorsi ta’ enerġija importanti fl-UE. Ir-rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija fl-2015 jindika li l-UE hija waħda minn tliet ekonomiji prinċipali biss li jiġġeneraw aktar minn nofs l-elettriku tagħhom mingħajr ma jipproduċu emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, 27 % prodotti minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u 27 % oħra prodotti mill-enerġija nukleari. Ir-rapport jgħid ukoll li l-PINC għandu jġib aktar ċarezza dwar “il-ħtiġijiet ta’ investiment nukleari fuq perjodu ta’ żmien twil u dwar l-immaniġġjar tar-responsabbiltajiet nukleari” (COM(2015) 572 final).

2.4.

L-Istrateġija tal-UE dwar l-Enerġija ġiet żviluppatta b’mod estensiv mill-aħħar PINC u bħalissa hija ta’ prijorità għolja. Il-miri għall-2020, l-2030 u l-2050 huma stabbiliti iżda għad hemm varjabbli ewlenin u inċertezzi. Dawn jinkludu l-punt sa fejn se jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, il-volatilità tas-suq internazzjonali fil-fjuwils fossili, ir-rata li biha se jiġu applikati teknoloġiji ġodda, liema pajjiżi huma membri tal-UE, l-influwenza tal-perspettiva ekonomika globali u sa liema punt se jkunu disponibbli l-investimenti massivi previsti fil-katina kollha tal-enerġija.

2.5.

Irrispettivament mill-politika tal-enerġija tal-UE, id-deċiżjonijiet ewlenin dwar it-taħlita ta’ sorsi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija jibqgħu prerogattiva tal-Istati Membri. Il-politika tal-enerġija tal-UE tista’ tintuża bħala referenza għal dawn id-deċiżjonijiet iżda l-enerġija hija politikament sensittiva ħafna u għalhekk hija soġġetta għal klima soċjali u politika li tvarja fil-livell nazzjonali. It-tfassil tal-politika tal-UE jirrikjedi proċess analitiku ċar u metodoloġija li jistgħu joffru qafas konsistenti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali. Il-PINC potenzjalment joffri l-opportunità li dan isir għal dawk l-istati li qegħdin jikkunsidraw l-enerġija nukleari kif ukoll għal dawk li għandhom enerġija nukleari u qed jivvalutaw il-futur tagħha.

3.   Il-kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni

3.1.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiftaħ bid-dikjarazzjoni li “Il-PINC [Programm Nukleari Illustrattiv] jipprovdi bażi għal diskussjoni dwar kif l-enerġija nukleari tista’ tgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-enerġija tal-UE” u tikkonkludi li “Bħala teknoloġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u kontributur sinifikanti għas-sigurtà tal-provvista u tad-diversifikazzjoni, l-enerġija nukleari mistennija tibqa’ komponent importanti tat-taħlita tal-enerġija tal-UE fl-orizzont 2050”.

3.2.

Il-Komunikazzjoni tiffoka fuq l-investimenti relatati mal-aġġornamenti sabiex tittejjeb is-sikurezza wara Fukushima u għat-tħaddim sikur tal-faċilitajiet eżistenti. Barra minn hekk din tenfasizza l-ħtiġijiet finanzjarji stmati relatati mad-dekummissjonar tal-impjanti tal-enerġija nukleari u mal-ġestjoni ta’ skart radjuattiv u fjuwil nukleari rradjat (spent fuel).

3.3.

129 reattur tal-enerġija nukleari joperaw f’14-il Stat Membru b’reatturi mibnijin ġodda previsti f’10 minn dawk l-istati. L-UE għandha l-aktar standards legalment vinkolanti avvanzati għas-sikurezza nukleari madwar id-dinja. Dawn jinżammu u jiġu aġġornati permezz ta’ reviżjoni regolari tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari (1).

3.4.

L-industrija nukleari tal-UE topera f’suq dinji b’valur ta’ EUR 3 triljun sal-2050 u tinsab fuq quddiem nett fil-qasam tat-teknoloġija bl-impjieg dirett ta’ 400 000-500 000 persuna u l-iffaċilitar ta’ 400 000 impjieg addizzjonali.

3.5.

Il-kumpaniji Ewropej huma involuti sew fil-produzzjoni tal-fjuwil nukleari globali, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom, li tissupplixxi l-bżonnijiet tar-reatturi mfassla mill-Punent tal-UE u b’kapaċità li tiżviluppa assemblaġġi ta’ fjuwil għal reatturi b’disinn Russu (li minnhom 19 bħalissa huma operattivi fl-UE).

3.6.

Il-Kummissjoni tbassar tnaqqis fil-kapaċità ta’ ġenerazzjoni nukleari attwali tal-UE (120 GWe) sa mhux aktar tard mill-2025, filwaqt li din it-tendenza tieħu direzzjoni opposta qabel l-2030. Il-kapaċità nukleari għandha tibqa’ stabbli f’livell bejn 95 u 105 GWe sal-2050 jekk 90 % tal-flotta nukleari eżistenti tiġi sostitwita f’dan il-perjodu. L-investiment huwa stmat għal bejn EUR 350 u 450 biljun, u għandu jipprovdi ġenerazzjoni sa tmiem is-seklu.

3.7.

L-ispejjeż mhux ibbaġitjati u d-dewmien twil fuq proġetti ġodda, u l-approċċi differenti minn korpi ta’ liċenzjar nazzjonali, ħolqu diffikultajiet ta’ investiment. L-istandardizzazzjoni tad-disinn u l-kooperazzjoni msaħħa bejn regolaturi nazzjonali huma meqjusa bħala elementi essenzjali tal-politika futura.

3.8.

Huma ppjanati programmi ta’ estensjoni tat-tul tal-ħajja (għal 10-20 sena) għal ħafna mir-reatturi tal-UE, bi spiża stmata għal madwar EUR 45-50 biljun, u l-ammont ta’ xogħol regolatorju involut, skont id-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari emendata, għandu jiġi antiċipat u ppjanat.

3.9.

Huwa ppjanat li jingħalqu ħamsin reattur sal-2025. Minkejja li l-kwistjoni hija sensittiva politikament, l-azzjoni u l-investimenti dwar ir-rimi ta’ skart ġeoloġiku u l-immaniġġjar fit-tul ta’ skart radjuattiv kif ukoll il-kwistjonijiet relatati mad-dekommissjonar jirrikjedu deċiżjonijiet rapidi min-naħa tal-Istati Membri.

3.10.

Jeżisti għarfien espert sinifikanti dwar il-ħżin u r-rimi ta’ skart ta’ livell radjuattiv baxx u intermedju, u l-faċilitajiet ta’ rimi ġeoloġiku fil-fond se jibdew joperaw fil-Finlandja, fl-Iżvezja u fi Franza bejn l-2020 u l-2030 għar-rimi finali ta’ skart ta’ livell radjuattiv għoli. Il-potenzjal ta’ kondiviżjoni ta’ dan l-għarfien espert u l-possibbiltà li jkun hemm qbil dwar faċilitajiet konġunti bejn l-Istati Membri se ġġib effiċjenzi kif ukoll benefiċċji ta’ sikurezza. Dan se jissaħħaħ bl-istabbiliment ta’ ċentru Ewropew ta’ eċċellenza.

3.11.

L-operaturi nukleari jistmaw li se jkunu meħtieġa EUR 253 biljun għall-ispejjeż ta’ dekummissjonar filwaqt li ġew identifikati EUR 133 biljun f’fondi dedikati. L-Istati Membri huma responsabbli biex jiggarantixxu li jintlaħqu bis-sħiħ l-obbligi tal-operaturi u li d-dekommissjonar isir f’perjodu ta’ żmien ċar

3.12.

Hemm bżonn ta’ aktar koordinazzjoni fl-iżvilupp tekniku u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ użi tat-teknoloġija tar-radjazzjoni mhux għal skopijiet ta’ enerġija. Pereżempju, fl-Ewropa biss it-tagħmir għal immaġni medika jiswa EUR 20 biljun fis-sena u l-agrikoltura, l-industrija u r-riċerka qed jesperjenzaw użu dejjem akbar ta’ din it-teknoloġija. Qed jissokta investiment sinifikanti fir-riċerka kemm fl-impjanti tal-ġenerazzjoni l-ġdida u dawk tal-fissjoni modulari kif ukoll biex titkompla t-tmexxija fir-riċerka dwar il-fużjoni, u dan jitqies essenzjali biex jinżammu l-għarfien espert, il-karrieri u l-influwenza globali. Dan huwa partikolarment importanti peress li l-enerġija nukleari qiegħda tkompli tespandi b’mod globali, għalkemm mhux fl-Ewropa.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-Kumitat ta l-opinjoni tiegħu fuq bażi regolari dwar is-sikurezza u r-rwol tal-enerġija nukleari fit-taħlita tal-enerġija tal-UE (2). Din il-Komunikazzjoni hija l-ewwel reviżjoni illustrattiva dwar l-enerġija nukleari mill-Kummissjoni minn Fukushima ‘l hawn u għalkemm il-PINC preċedenti wiegħed li jżid il-frekwenza tal-pubblikazzjoni tal-Programm Nukleari Illustrattiv (COM(2007) 565 final), dan ma seħħx. Il-PINC tal-2016 – għalkemm kien appoġġjat minn dokument estensiv ta’ ħidma tal-persunal – huwa nofs it-tul tal-Komunikazzjoni tal-2007. Il-Kumitat jissuġġerixxi li xi punti għandhom jinżiedu mal-PINC sabiex ikun dokument strateġiku li fih jiġu diskussi l-fatturi kuntestwali li jinfluwenzaw l-investiment u d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-miri.

4.2.

Il-Kumitat japprezza l-analiżi estensiva li l-PINC jipprovdi dwar l-investiment fiċ-ċiklu kollu tal-fjuwil nukleari, filwaqt li jirrikonoxxi li dan jiddefinixxi kemm l-isfidi kif ukoll l-opportunitajiet li jiffaċċja s-settur. L-enfasi dwar l-ogħla standards ta’ sikurezza u dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament komprensiv għall-aspetti kollha tad-dekummissjonar hija milqugħa tajjeb ukoll. Id-dokument ta’ ħidma jagħti dettall konsiderevoli, u huwa nnotat ukoll ir-rwol ta’ riċerka kontinwa. Madankollu, f’ħafna oqsma oħra ma ntqal kważi xejn, u dan idgħajjef il-valur strateġiku tad-dokument.

4.3.

L-abbozz tal-PINC 2016 juri bidla sinifikanti fl-approċċ mill-Kummissjoni. PINCs preċedenti taw analiżi fil-kuntest tal-isfidi tal-enerġija li jiffaċċjaw l-UE u l-komunità globali. Pereżempju l-PINC tal-2007 kellu sezzjonijiet li mhumiex replikati fl-2016 li kienu joffru viżjoni strateġika ċara. Dawn għandhom jiġu miżjuda ma’ din il-proposta, u għandhom ikopru:

kompetittività – x’inhuma l-fatturi attwali u futuri li jaffettwaw il-kompetittività tal-enerġija nukleari, pereżempju ir-rwol tal-għajnuna mill-istat, speċjalment għajnuna finanzjarja u fiskali, bidliet fil-perspettivi dwar l-ispejjeż għall-kostruzzjoni, l-ispejjeż kapitali, ir-rimi tal-iskart, proċeduri ta’ liċenzjar, l-estensjonijiet ta’ ħajjet l-impjanti u l-ispejjeż relattivi ta’ sorsi oħra ta’ enerġija;

aspetti ekonomiċi – l-istruttura tas-suq tal-enerġija għadha inċerta, u tiskoraġġixxi l-investiment fit-tul, filwaqt li r-riskji ekonomiċi tal-enerġija nukleari huma sinifikanti f’perjodu ta’ inċertezza finanzjarja u politika;

sigurtà tal-provvista tal-enerġija – madwar id-dinja d-domanda għall-enerġija qed tiżdied b’mod stabbli anki jekk din stabbilizzat jew naqset fl-Ewropa u l-implikazzjonijiet ta’ dan, kif ukoll l-aspetti politiċi u ta’ politika barranija, jeħtieġu aktar attenzjoni. Is-sigurtà tal-enerġija b’mod partikolari hija qasam li fih l-enerġija nukleari tista’ u fil-fatt tikkontribwixxi hekk kif is-sorsi ta’ provvista tal-fjuwil (uranju) fil-preżent jidhru li huma aktar siguri miż-żejt jew il-gass (3);

tibdil fil-klima – nofs l-enerġija nukleari tikkontribwixxi nofs l-elettriku b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju tal-Ewropa;

aċċettazzjoni pubblika – il-varjazzjoni wiesgħa madwar l-UE dwar l-attitudnijiet pubbliċi rigward l-enerġija nukleari hija realtà li ftit hemm fehim dwarha u għandha effetti sinifikanti fuq l-aċċettabbiltà politika.

Dawn il-kwistjonijiet kollha saru aktar importanti matul l-aħħar disa’ snin iżda fil-PINC tiddomina l-enfasi fuq is-sikurezza u ċ-ċiklu tal-fjuwil u ftit huwa elaborat sew dwar dawn l-oqsma fil-komunikazzjoni jew fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal. La jiddeskrivi n-natura tad-dibattitu dwar dawn it-temi, li ħafna minnhom huma kkontestati u kontroversjali (pereżempju, billi jinżammu standards għoljin fix-xogħol sottokuntrattat), u lanqas joffri sett ta’ linji gwida jew approċċ strateġiku għad-diskussjoni tal-enerġija nukleari fit-taħlita tal-enerġija kollha kemm hi. Dan jirrifletti l-approċċ tal-pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija fejn jeżisti l-istess nuqqas ta’ rieda li tinġibed attenzjoni dwar l-implikazzjonijiet ta’ strateġija Ewropea dwar l-enerġija għal dibattiti nazzjonali dwar ir-rwol li l-enerġija nukleari għad għandha (jekk għandha) fit-taħlita tal-enerġija.

4.4.

Kif innutat, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiddikjara li tipprovdi bażi għal diskussjoni dwar kif l-enerġija nukleari tista’ tgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-enerġija tal-UE”… bħala … “komponent importanti tat-taħlita tal-enerġija tal-UE fl-orizzont 2050”. Tali dikjarazzjonijiet ma jistgħux jiġu appoġġjati bis-sħiħ mill-kontenut ta’ dan id-dokument. Programmi illustrattivi preċedenti taw rieżemi analitiku importanti dwar ir-rwol tal-enerġija nukleari u offrew linji gwida għall-politika futura.

4.5.

B’mod partikolari, l-analiżi tal-ħtiġijiet ta’ investiment għall-enerġija nukleari (li jidher ċar li huwa diffikultà kbira fiċ-ċirkustanzi attwali) għandha ċertament tiġi stabbilita fil-kuntest tal-investiment totali meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija peress li hemm interazzjonijiet u kompromessi fost id-deċiżjonijiet ta’ investiment fir-rigward tat-teknoloġiji tal-ġenerazzjoni u l-infrastruttura kollha.

4.6.

Barra minn hekk, hemm ħafna fatturi kuntestwali addizzjonali li jsawru l-politiki u l-ekonomija nukleari li għadhom ma ġewx indirizzati b’mod sħiħ u li huma diffiċli biex il-Kummissjoni telabora dwarhom peress li jgħaddu minn rieżami u riforma kontinwi. Dawn jinkludu l-funzjonament tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, proposti għal sussidji għall-mekkaniżmu ta’ kapaċità, l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija rinnovabbli, eċċ.

4.7.

Bħalissa, l-enerġija nukleari tirrappreżenta 28 % tal-produzzjoni domestika tal-enerġija fl-UE, u 50 % tal-elettriku tagħha b’livell baxx ta’ karbonju (Eurostat, Mejju 2015). It-tnaqqis tas-CO2 huwa mira kruċjali fil-politika tal-UE u dik globali dwar l-enerġija. Biex ma tinqabiżx żieda ta’ 2 oC fit-temperatura, hemm bżonn ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet globali tas-CO2 mill-enerġija b’medja ta’ 5,5 % fis-sena bejn l-2030 u l-2050. Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 spjega kif jista’ jintlaħaq il-kontribut tal-UE għal dan, u segwa approċċ b’diversi xenarji dwar kif it-taħlita tal-enerġija tista’ tvarja skont diversi fatturi politiċi, ekonomiċi u soċjal (COM(2011) 885 final). Fuq il-bażi taċ-ċifri pprovduti mill-Istati Membri, il-Komunikazzjoni tassumi kapaċità nukleari ta’ madwar 100 GWe fl-2050 iżda, fid-dawl tad-dibattitu attwali, ftit hemm ċertezza dwar din is-suppożizzjoni.

4.8.

Il-Kumitat jinnota l-eżempju reċenti tal-Iżvezja, imħabbar wara l-pubblikazzjoni tal-PINC u għalhekk mhux inkluż, fejn ittieħed impenn biex għaxar reatturi nukleari ġodda jieħdu post daqstant impjanti li ġew dikummissjonati u b’mod parallel, jiġu addotati miżuri biex jiġi żgurat li sal-2040 il-provvista tal-enerġija tkun 100 % minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (Financial Times 10 ta’ Ġunju 2016). F’dan il-każ, il-fatt li jkun hemm kemm politika robusta dwar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll kapaċità addizzjonali għall-forniment ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju lill-ġirien, huwa politikament aċċettabbli għall-partijiet kollha u konsegwentament għandu sinifikat strateġiku fil-kuntest Ewropew. Id-dokument għandu għalhekk jiġi aġġornat biex jikkunsidra dan.

4.9.

Il-KESE argumenta b’mod konsistenti tul ħafna snin favur approċċ aktar strateġiku għall-kwistjonijiet tal-enerġija u enfasi akbar fuq djalogu pubbliku estensiv dwar il-ġenerazzjoni u l-użu tal-enerġija (4). It-teknoloġija għandha valur u t-teknoloġija tal-enerġija tinvolvi firxa wiesgħa ta’ ġudizzji etiċi, soċjali u politiċi. L-Istati Membri għandhom diskrezzjoni dwar il-kompożizzjoni tat-taħlita tal-enerġija tagħhom, nofshom biss għandhom impjanti nukleari operattivi, u mill-aħħar PINC “l hawn l-opinjonijiet dwar l-enerġija nukleari saru polarizzati. Dan id-dokument importanti ta’ reviżjoni ċiklika jista” jissaħħaħ permezz ta’ preżentazzjoni oġġettiva tal-kwistjonijiet topiċi u ta’ profil għoli involuti fid-diskussjoni dwar kif l-enerġija nukleari tista’ tgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-enerġija tal-UE. Għalhekk huwa ssuġġerit li jiġu inklużi għadd ta’ sezzjonijiet ġodda fid-dokument finali, kif stipulat f’4.3, u li l-istrateġija kollha kemm hi tqis aktar il-kummenti speċifiċi 5.3.1 – 5.3.4 hawn taħt.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Id-dokument jenfasizza l-importanza ta’ koordinazzjoni nazzjonali aħjar bejn l-Istati Membri, kooperazzjoni aħjar bejn il-partijiet interessati u trasparenza u parteċipazzjoni pubblika akbar fi kwistjonijiet nukleari. F’dan ir-rigward, jiġi nnotat ir-rwol importanti tal-Grupp ta’ Livell Għoli Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart Nukleari (ENSREG) u li jitkompla jiġi promoss id-djalogu bejn il-partijiet interessati fil-Forum Ewropew dwar l-Enerġija Nukleari (ENEF). F’Diċembru 2015, l-ENSREG ħareġ dikjarazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali (NAcPs) wara Fukushima li fiha nnota li l-istatus tal-implimentazzjoni huwa differenti u li għandha tissaħħaħ r-rata tal-implimentazzjoni tal-aġġornamenti ta’ sikurezza sabiex jintlaħqu l-iskadenzi ta’ implimentazzjoni maqbula. Dan irrakkomanda li għal kull pajjiż parteċipanti għandu jiġi aġġornat u ppubblikat rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-NAcPs fuq bażi regolari sabiex jiġi żgurat monitoraġġ trasparenti bl-għan li jiġi ppubblikat rapport dwar l-implimentazzjoni fl-2017 (ENSREG Fourth Report, Novembru 2015). Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tinkludi approvazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni fil-PINC.

5.2.

Il-Komunikazzjoni tittratta r-relazzjonijiet ma’ stati nukleari fil-viċinat tal-UE, u l-KESE jemmen li l-estensjoni ta’ involviment attiv, b’mod partikolari mal-Belarussja, ser tgħin biex jissolva t-tħassib dwar nuqqas ta’ trasparenza u ta’ sikurezza li nqalgħu fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-ewwel reattur nuklear f’Ostrovets. Ir-relazzjonijiet permezz tal-ENSREG għandhom jingħataw prijorità.

5.3.

Rigward id-djalogu u t-trasparenza inġenerali, il-KESE jinnota li, fil-prattika, ir-rwol, ir-riżorsi, il-kapaċità u l-istatus tal-Forum Ewropew dwar l-Enerġija Nukleari (ENEF) naqsu b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar sentejn. Huwa essenzjali li jkun hemm aktar kjarifika dwar il-kwistjonijiet prinċipali li qed jiffaċċja d-djalogu dwar il-politika nukleari Ewropea kif ukoll qafas komuni li qed jiġi propost għal diskussjoni f’livell nazzjonali. Dan issa huwa improbabbli li jintlaħaq progress dwaru fi ħdan l-ENEF u ma jinsabx fil-PINC. Qafas bħal dan ikun ta’ għajnuna wkoll għall-governanza futura tal-Unjoni tal-Enerġija u għandu jiġi applikat b’mod konsistenti għas-sorsi tal-enerġija primarji kollha. Għalhekk, biex jgħin f’din il-kjarifika, il-PINC għandu jinkludi sezzjonijiet speċifiċi li jiddeskrivu l-implikazzjonijiet u r-relevanza għall-politika ta’ investiment fil-qasam nukleari. Dawn it-temi, dettaljati fl-erba’ paragrafi li ġejjin, huma oqsma kruċjali tad-dibattitu li huwa essenzjali għal kwalunkwe viżjoni strateġika.

5.3.1.

Il-bidla għall-elettriku u l-punt sa fejn tista’ tiġi żgurata provvista konsistenti tal-elettriku minn sorsi primarji. Minn naħa waħda, l-enerġija nukleari tista’ tgħin fis-sigurtà tal-enerġija peress li jistgħu jiġu ġġenerati volumi kbar ta’ elettriku prevedibbli b’mod kontinwu għal perjodi twal, u tista’ tagħti kontribut pożittiv għall-funzjonament stabbli tas-sistemi tal-elettriku (pereżempju ż-żamma ta’ frekwenza tal-grilja). Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż kapitali ta’ kostruzzjoni huma għoljin, ir-rekwiżiti ta’ sikurezza ġodda huma onerużi, il-finanzjament huwa inċert u l-kundizzjonijiet tas-suq futuri huma imprevedibbli ħafna. Dawn huma kwistjonijiet li jiffaċċja kull Stat Membru li għandu kapaċità ta’ ġenerazzjoni nukleari, u jistgħu jkunu kritiċi fil-mod kif u jekk il-pjani nazzjonali realistiċi jistgħux jitwettqu bħala kontribut għall-miri tal-UE tal-enerġija u l-klima. Il-PINC għandu jkun marbut ma’ qafas komuni għad-diskussjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet, kif ipproponiet il-Kummissjoni f’komunikazzjonijiet strateġiċi oħrajn dwar l-enerġija, u għandu jressaq analiżi bilanċjata tar-rwol tal-enerġija nukleari.

5.3.2.

Għarfien, attitudnijiet u sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar ir-riskju fil-ġenerazzjoni tal-enerġija. Minn naħa waħda, is-sikurezza nukleari, l-impatti ta’ Chernobyl u Fukushima u l-kwistjonijiet pendenti dwar id-dekummissjonar u r-rimi ta’ skart radjuattiv huma kwistjonijiet ta’ tħassib pubbliku serju f’xi pajjiżi. Min-naħa l-oħra, hemm fatturi negattivi sinifikanti u ta’ spiss sottovalutati marbuta ma’ sorsi ta’ enerġija primarja oħrajn. Il-KESE konsistentement enfasizza r-rwol kruċjali ta’ fehim pubbliku dwar “id-dilemma” tal-enerġija – essenzjalment kif għandhom jiġu bbilanċjati l-għanijiet interkonnessi u kultant konfliġġenti tas-sigurtà tal-enerġija, l-affordabbiltà u s-sostenibbiltà ambjentali. Ir-rieda politika tissawwar fil-biċċa l-kbira skont l-attitudnijiet tal-pubbliku, u l-livell baxx ta’ sensibilizzazzjoni komprensiva dwar l-enerġija jista’ jirriżulta fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi inferjuri. Aktar riżorsi u qafas legali ta’ appoġġ li jippermettu, pereżempju, kumitati lokali ta’ informazzjoni kif stabbilit fi Franza, ikunu utli.

5.3.3.

Metodoloġija għall-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-kompetittività. L-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju affordabbli hija essenzjali biex jintlaħqu l-miri maqbula dwar il-klima u l-enerġija, iżda dan il-qasam huwa protett mill-kompetizzjoni tas-suq. Lanqas ma hemm metodoloġija standard jew aċċettabbli li qed tintuża mill-Istati Membri biex jivvalutaw l-ispejjeż futuri tal-alternattivi għat-taħlita tagħhom għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, qabel ma jieħdu deċiżjoni politika (li tkun influwenzata minn fatturi oħrajn).

5.3.4.

Ir-rilevanza ta’ riċerka attiva u ta’ bażi ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku fit-tmexxija tas-suq, tat-teknoloġija u tas-sikurezza. Kemm huwa importanti li tinżamm industrija tal-ġenerazzjoni nukleari li tkun sinifikanti u tevolvi jekk irridu li jinżammu l-impjieg u l-influwenza u t-tmexxija Ewropea f’industrija li qed tinfirex globalment (US Energy Information Administration, Mejju 2016 – World nuclear generation to double by 2040)? Pereżempju, iċ-Ċina beħsiebha tirdoppja l-kapaċità nukleari tagħha għal mill-inqas 58 GWe sal-2020-21, b’żieda għal 150 GWe sal-2030. L-importanza ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u mħallsin tajjeb hija nnotata u kieku dawn kellhom jitneħħew gradwalment ikollu jiddaħħal programm biex jiżgura tranżizzjoni ġusta u appoġġjata.

5.4.

L-aktar element sinifikanti ta’ finanzjament għar-riċerka nukleari tal-UE huwa impenjat għall-iżvilupp ta’ programm konġunt ta’ fużjoni nukleari (ITER – Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali). Il-pjan direzzjonali tal-EFDA (Ftehim Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-Fużjoni) jiddeskrivi r-rotta minn esperimenti ta’ fużjoni attwali għal impjant ta’ dimostrazzjoni tal-enerġija mill-fużjoni bi produzzjoni netta ta’ elettriku għall-grilja. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra provvista ta’ elettriku potenzjali minn impjanti tal-enerġija mill-fużjoni fix-xenarji tal-enerġija kosteffettivi kollha għal wara l-2050. Barra minn hekk, għandu jitħeġġeġ appoġġ kontinwu għar-riċerka dwar ir-reatturi tar-raba’ ġenerazzjoni, bil-potenzjal tagħhom għal tnaqqis fl-ispejjeż u tnaqqis sinifikanti ta’ skart ta’ livell radjuattiv għoli.

5.5.

L-abbozz tal-proposta tħejja qabel il-votazzjoni mir-Renju Unit biex titlaq mill-Unjoni Ewropea u l-opinjoni legali fil-preżent tissuġġerixxi li t-tluq mill-UE jfisser wkoll it-tluq mill-Euratom. Dan għandu implikazzjonijiet strateġiċi kbar, mhux l-inqas għall-miri tal-enerġija 2030, iżda wkoll għall-kooperazzjoni fir-riċerka, regolatorja, fil-katina tal-provvista u fis-sikurezza. Din il-kwistjoni għalhekk jeħtieġ tiġi rikonoxxuta minn dan l-abbozz ta’ proposta, anke jekk f’dan l-istadju huwa problematiku li wieħed jantiċipa riżultati speċifiċi.

Brussell, it-22 ta’ Settembru 2016

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU L 219, 25.7.2014, p. 42.

(2)  ĠU C 341, 21.11.2013, p. 92; ĠU C 133, 14.4.2016, p. 25.

(3)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 8.

(4)  ĠU C 291, 4.9.2015, p. 8.


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/111


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew jinsabu mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom”

(COM(2016) 418 final — 2016/0193 (COD))

(2016/C 487/18)

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 4.7.2016

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 8.7.2016

Bażi legali

L-Artikoli 117 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni responsabbli

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sessjoni plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

169/1/4

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti u diġà ta fehmtu dwar is-suġġett fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar “Regolament għall-emenda tal-Fondi Strutturali – miżuri speċifiċi għall-Greċja”, adottata fit-8 ta’ Ottubru 2015 (1), dwar “Il-ġestjoni finanzjarja u r-regoli tad-diżimpenn għal Stati Membri f’diffikultajiet serji”, adottata fid-19 ta’ Settembru 2013 (2), dwar “Il-Fondi Strutturali — Dispożizzjonijiet Ġenerali” adottata fil-25 ta’ April 2012 (3) u dwar “Dispożizzjonijiet emendatorji dwar il-ġestjoni finanzjarja — Fondi Strutturali — għal ċerti Stati Membri li jinsabu f’diffikultà” adottata fis-27 ta’ Ottubru 2011 (4), iddeċieda, matul il-519-il sessjoni plenarja tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Settembru 2016 (seduta tal-21 ta’ Settembru 2016), b’169 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost u li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokumenti msemmija hawn fuq.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Regolament tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi għall-Greċja”” (ĠU C 32 tat-28.1.2016, p.20).

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew li huma mhedda b’diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom u r-regoli tad-diżimpenn għal ċerti Stati Membri” (ĠU C 341 tal-21.11.2013, p.27).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006” (ĠU C 191 tad-29.6.2012, p.30).

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b’diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom” (ĠU C 24 tat-28.1.2012, p.81).


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/112


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dazji doganali ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (kodifikazzjoni)”

(COM(2016) 408 final — 2014/0175 (COD))

(2016/C 487/19)

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 23.6.2016

Bażi legali

Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

REX

Opinjoni adottata fil-plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

165/0/8

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul il-519-il sessjoni plenarja tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Settembru 2016 (seduta tal-21 ta’ Settembru), b’165 vot favur u 8 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/113


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol”

(COM(2016) 248 final — 2016/0130 COD)

(2016/C 487/20)

Konsultazzjoni

Kunsill, 24.5.2016

Parlament Ewropew 25.5.2016

Bażi legali

Artikolu 148(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Ix-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fil-plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

171/0/3

Billi l-Kumitat diġà ta fehmtu dwar il-kontenut ta’ din il-proposta fl-Opinjonijiet tiegħu dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni fuq ix-xogħol (is-sitt Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/1107/KEE) adottati fit-2 ta’ Ġunju 1988 (1) u fl-20 ta’ Ottubru 1999 (2), kif ukoll dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali (2014–2020), adottata fil-11 ta’ Diċembru 2014, iddeċieda li ma jfassalx Opinjoni ġdida dwar il-kwistjoni, iżda li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokumenti msemmija.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 208, 8.8.1988, p.43 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ĠU C 368, 20.12.99 p. 18 (mhux disponibbli bil-Malti).