ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 439

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
25 ta' Novembru 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

2016/C 439/01

Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta' talbiet għal deċiżjoni preliminari

1


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

25.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 439/1


Dan it-test jaġġorna r-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali adottati l-għada tad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta' Novembru 2012, tar-Regoli tal-Proċedura l-ġodda tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU C 338, 6.11.2012, p. 1). Dawn ir-rakkomandazzjonijiet, li huma bbażati kemm fuq l-esperjenza miksuba fl-implementazzjoni ta' dawn ir-Regoli, ippubblikati (1), u kemm fuq l-iktar ġurisprudenza reċenti, huma intiżi li jfakkru l-karatteristiċi essenzjali tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari u li jipprovdu lill-qrati li jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari l-indikazzjonijiet prattiċi kollha meħtieġa sabiex din tal-aħħar tkun tista' tagħti deċiżjoni utli dwar id-domandi magħmula.

RAKKOMANDAZZJONIJIET

lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta' talbiet għal deċiżjoni preliminari

(2016/C 439/01)

Introduzzjoni

1.

Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, previst fl-Artikolu 19(3)(b) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem it-“TUE”) u fl-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem it-“TFUE”), huwa mekkaniżmu fundamentali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. L-għan tiegħu huwa li jiżgura interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi ta' dan id-dritt fi ħdan l-Unjoni, billi joffri lill-qrati tal-Istati Membri strument li jippermettilhom iressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-“Qorti tal-Ġustizzja”) b'domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-validità ta' atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni.

2.

Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri. Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa ta' din il-proċedura, jidher li huwa meħtieġ li jitfakkru l-karatteristiċi essenzjali tagħha u li jsiru ċerti preċiżazzjonijiet li jispeċifikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura li jirrigwardaw, b'mod partikolari, l-awtur u l-portata tat-talba għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll il-forma u l-kontenut ta' tali talba. Dawn il-preċiżazzjonijiet — li japplikaw għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari kollha (I) — huma kkompletati permezz ta' dispożizzjonijiet applikabbli għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jeħtieġu ħeffa partikolari (II) u permezz ta' anness li jiġbor fil-qosor l-elementi essenzjali ta' kull talba għal deċiżjoni preliminari.

I.   Dispożizzjonijiet applikabbli għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari kollha

L-awtur tat-talba għal deċiżjoni preliminari

3.

Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni jew dwar il-validità tad-dritt tal-Unjoni tiddependi esklużivament mill-inizjattiva tal-qrati nazzjonali, irrispettivament minn jekk il-partijiet fil-kawża prinċipali jkunux esprimew jew le x-xewqa li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Sa fejn hija l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet il-kawża li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun għad trid tingħata, hija fil-fatt din il-qorti — u hija biss — li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta' kull kawża, kemm il-ħtieġa ta' talba għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f'pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.

Il-kwalità ta' qorti hija interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni, f'dan ir-rigward, numru ta' fatturi bħal jekk l-organu li jkun għamel it-talba jkunx stabbilit mil-liġi, jekk ikunx permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu tkunx ta' natura obbligatorja, jekk il-proċeduri quddiemu jkunux kontradittorji, jekk il-korp japplikax dispożizzjonijiet legali, kif ukoll jekk ikunx indipendenti.

5.

Il-qrati tal-Istati Membri jistgħu jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar l-interpretazzjoni jew dwar il-validità tad-dritt tal-Unjoni meta jqisu li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt hija meħtieġa sabiex jagħtu d-deċiżjoni tagħhom (ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE). Rinviju għal deċiżjoni preliminari jista' jirriżulta partikolarment utli meta quddiem il-qorti nazzjonali titqajjem kwistjoni ta' interpretazzjoni ġdida li tkun ta' interess ġenerali għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jew meta l-ġurisprudenza eżistenti ma tkunx tidher li tipprovdi l-kjarezza meħtieġa f'kuntest legali jew fattwali ġdid.

6.

Madankollu, meta kwistjoni titqajjem fil-kuntest ta' kawża pendenti quddiem qorti li mid-deċiżjonijiet tagħha ma jkun hemm ebda appell taħt il-liġi nazzjonali, din il-qorti hija obbligata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE), sakemm ma jkunx hemm diġà ġurisprudenza stabbilita fil-qasam inkwistjoni jew sakemm ma jkun hemm ebda dubju raġonevoli dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjoni legali inkwistjoni.

7.

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, filwaqt li l-qrati nazzjonali għandhom is-setgħa li jiċħdu l-motivi ta' invalidità mressqa quddiemhom fil-konfront ta' att ta' istituzzjoni, ta' korp jew ta' organu tal-Unjoni, il-possibbiltà li tali att jiġi ddikjarat invalidu, għall-kuntrarju, tappartjeni esklużivament lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta jkollha dubji dwar il-validità ta' tali att, qorti ta' Stat Membru għandha tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja filwaqt li tindika r-raġunijiet għaliex fil-fehma tagħha dan l-att ma huwiex validu.

Is-suġġett u l-portata tat-talba għal deċiżjoni preliminari

8.

It-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tikkonċerna l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, u mhux l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali jew kwistjonijiet ta' fatt imqajma fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

9.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari ħlief fil-każ li d-dritt tal-Unjoni jkun applikabbli għat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, huwa indispensabbli li l-qorti tar-rinviju tesponi l-punti rilevanti kollha, kemm ta' fatt u kemm ta' liġi, li fuq il-bażi tagħhom tqis li hemm dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu japplikaw fil-kawża ineżami.

10.

Fir-rigward tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta jkunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Għalkemm il-każijiet partikolari ta' tali implementazzjoni jistgħu jkunu diversi, huwa xorta waħda meħtieġ li, mit-talba għal deċiżjoni preliminari, jirriżulta b'mod ċar u inekwivoku li fit-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika dispożizzjoni legali tal-Unjoni għajr il-Karta. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar talba għal deċiżjoni preliminari meta sitwazzjoni legali ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Karta li jkunu invokati mill-qorti tar-rinviju ma jistgħux jikkostitwixxu, waħedhom, bażi għal din il-ġurisdizzjoni.

11.

Fl-aħħar nett, għalkemm, sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, tieħu neċessarjament inkunsiderazzjoni l-qafas legali u fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif ikun ġie ddefinit mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tapplikax hija stess id-dritt tal-Unjoni għal din it-tilwima. Meta tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tfittex li tagħti risposta utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, iżda hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi konkreti minn din ir-risposta billi, jekk ikun meħtieġ, tastjeni milli tapplika r-regola nazzjonali li tkun tqieset li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

Il-mument opportun sabiex isir rinviju għal deċiżjoni preliminari

12.

Qorti nazzjonali tista' tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja hekk kif tikkonstata li hija neċessarja deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni sabiex tagħti s-sentenza tagħha. Hija din il-qorti, fil-fatt, li tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddetermina f'liema stadju tal-proċedura jkun xieraq li tressaq din it-talba.

13.

Madankollu, sa fejn din it-talba ser isservi ta' bażi għall-proċedura li tiżvolġi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u sa fejn din tal-aħħar għandha jkollha l-elementi kollha li jippermettulha kemm li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula u kemm li tagħti, fl-affermattiv, risposta utli għal dawn id-domandi, huwa meħtieġ li d-deċiżjoni li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari tittieħed fi stadju tal-proċedura li fih il-qorti tar-rinviju tkun f'pożizzjoni li tiddefinixxi, bi preċiżjoni suffiċjenti, il-kuntest legali u fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-kwistjoni legali mqajma minnha. Fl-interess ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jista' jkun il-każ ukoll li r-rinviju jsir wara li tisma' lill-partijiet.

Il-forma u l-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari

14.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tista' ssir f'kull forma li hija ammessa mid-dritt nazzjonali għall-kwistjonijiet proċedurali, iżda wieħed għandu jżomm f'moħħu li din it-talba sservi ta' bażi għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li tiġi nnotifikata lill-partijiet interessati kollha msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (iktar 'il quddiem l-“Istatut”) u, b'mod partikolari, lill-Istati Membri kollha, bl-iskop li tirċievi l-osservazzjonijiet li jista' jkollhom. Għalhekk, il-bżonn korrispondenti li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi tradotta fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea jirrikjedi, min-naħa tal-qorti tar-rinviju, redazzjoni sempliċi, ċara u preċiża, mingħajr elementi superfluwi. Kif turi l-esperjenza, ħafna drabi madwar għaxar faċċati jkunu biżżejjed sabiex jiġu esposti, b'mod adegwat, il-kuntest legali u fattwali ta' talba għal deċiżjoni preliminari.

15.

Il-kontenut ta' kull talba għal deċiżjoni preliminari huwa stabbilit fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u huwa miġbur fil-qosor fl-Anness ta' dan id-dokument. Minbarra t-test stess tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi:

espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi preliminari;

il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża ineżami u, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti, kif ukoll

espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

Fl-assenza ta' wieħed jew iktar mill-elementi preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja jaf ikollha tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar id-domandi preliminari magħmula jew ikollha tiċħad it-talba għal deċiżjoni preliminari bħala inammissibbli.

16.

Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha tipprovdi r-referenzi preċiżi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali u għandha tidentifika bi preċiżjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom tkun qiegħda tintalab jew li l-validità tagħhom tkun qiegħda tiġi kkontestata. Jekk ikun il-każ, it-talba għandha tinkludi sunt qasir tal-argumenti rilevanti tal-partijiet fil-kawża prinċipali. F'dan il-kuntest, għandu jitfakkar li hija biss it-talba għal deċiżjoni preliminari li tiġi tradotta, u mhux l-annessi li jistgħu jintbagħtu magħha.

17.

Il-qorti tar-rinviju tista' tindika wkoll, fil-qosor, il-fehma tagħha dwar ir-risposta li għandha tingħata lid-domandi preliminari. Tali indikazzjoni tkun utli għall-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari meta tintalab tagħti deċiżjoni dwar it-talba fil-kuntest ta' proċedura mħaffa jew ta' proċedura b'urġenza.

18.

Fl-aħħar nett, id-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu ppreżentati f'parti distinta u identifikata b'mod ċar tad-deċiżjoni tar-rinviju, idealment fil-parti tal-bidu jew tal-aħħar tagħha. Dawn id-domandi għandhom ikunu jistgħu jinftiehmu waħedhom, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jsir riferiment għall-espożizzjoni tar-raġunijiet tat-talba.

19.

Sabiex jiġi ffaċilitat il-qari tagħha, huwa essenzjali li t-talba għal deċiżjoni preliminari tintbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja f'forma ttajpjata u li l-paġni u l-paragrafi tad-deċiżjoni tar-rinviju jkunu nnumerati.

20.

It-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddatata u ffirmata u mbagħad tintbagħat lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta' ittra rreġistrata, fl-indirizz segwenti: Rue du Fort Niedergrünewald, 2925 il-Lussemburgu, IL-LUSSEMBURGU. Ma' din it-talba għandhom jintbagħtu d-dokumenti rilevanti kollha u, b'mod partikolari, id-dettalji preċiżi tal-partijiet fil-kawża prinċipali u tar-rappreżentanti tagħhom, jekk ikun hemm, kif ukoll il-proċess tal-kawża prinċipali jew kopja tiegħu. Dan il-proċess (jew il-kopja tiegħu) jinżamm fir-Reġistru matul it-tul kollu tal-proċedura fejn, sakemm il-qorti tar-rinviju ma tindikax mod ieħor, ikun jista' jiġi kkonsultat mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut.

21.

Fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tuża, bħala prinċipju, l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, inkluża informazzjoni nominattiva jew ta' natura personali. Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, u jekk taħseb li dan ikun meħtieġ, taħbi ċerta informazzjoni jew tagħti l-anominat lil waħda jew iktar persuni jew entitajiet ikkonċernati mit-tilwima fil-kawża prinċipali.

22.

Wara l-preżentata tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' wkoll tagħti tali anonimat, ex officio jew fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew ta' waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Sabiex tinżamm l-effikaċja tagħha, tali talba għandha madankollu titressaq fl-iktar stadju kmieni possibbli tal-proċedura u, f'kull każ, qabel il-pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviż dwar il-kawża kkonċernata u qabel in-notifika tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut, li ssir, bħala regola ġenerali, madwar xahar wara l-preżentata tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Minħabba l-użu dejjem jikber ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-applikazzjoni tal-anonimat wara din il-pubblikazzjoni u din in-notifika tkun, fil-parti l-kbira tagħha, prattikament inutli.

Ir-relazzjoni bejn ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura nazzjonali

23.

Għalkemm il-qorti nazzjonali xorta tibqa' kompetenti sabiex tadotta miżuri kawtelatorji, b'mod partikolari fil-kuntest ta' rinviju għad-determinazzjoni tal-validità, it-tressiq ta' talba għal deċiżjoni preliminari jimplika madankollu s-sospensjoni tal-proċeduri nazzjonali sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti d-deċiżjoni tagħha.

24.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, tibqa' adita b'talba għal deċiżjoni preliminari sakemm din ma tiġix irtirata, wieħed għandu jżomm f'moħħu li r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari huwa li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni effettiva tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi. Peress li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq il-premessa li effettivament ikun hemm tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar għandha tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kull bidla proċesswali li jista' jkollha impatt fuq kif l-istess qorti nazzjonali tkun tista' tkompli tieħu konjizzjoni tal-kawża u, b'mod partikolari, dwar kull rinunzja għall-atti, ftehim bonarju dwar it-tilwima jew kwalunkwe bidla oħra li twassal għall-estinzjoni tal-istanza. Il-qorti tar-rinviju għandha tinforma wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ li tiġi adottata deċiżjoni fil-kuntest ta' rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-rinviju u dwar il-konsegwenzi ta' din id-deċiżjoni fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari.

25.

Fl-interess tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u sabiex jitħares l-effett utli tagħha, huwa madankollu meħtieġ li tali informazzjoni tiġi kkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-iqsar żmien possibbli. Barra minn hekk, tinġibed l-attenzjoni tal-qrati nazzjonali għall-fatt li l-irtirar ta' talba għal deċiżjoni preliminari jista' jkollu impatt fuq il-ġestjoni ta' kawżi (jew ta' sensiela ta' kawżi) simili mill-qorti tar-rinviju. Meta l-eżitu ta' diversi kawżi pendenti quddiem din tal-aħħar jiddependi mir-risposta li tkun ser tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, jista' jkun opportun li din tgħaqqad dawn il-kawżi sabiex jinstemgħu flimkien fit-talba għal deċiżjoni preliminari sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tirrispondi għad-domandi magħmula minkejja l-eventwali rtirar ta' waħda jew iktar minn dawn il-kawżi.

L-ispejjeż u l-għajnuna legali

26.

Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija bla ħlas u din tal-aħħar ma tiddeċidix fuq l-ispejjeż tal-partijiet fil-kawża prinċipali li tkun għadha pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju; hija din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi f'dan ir-rigward.

27.

Fil-każ li parti fil-kawża prinċipali ma jkollhiex riżorsi suffiċjenti u sa fejn ir-regoli nazzjonali jippermettu dan, il-qorti tar-rinviju tista' tagħti lil din il-parti għajnuna legali sabiex tkopri l-ispejjeż, b'mod partikolari dawk ta' rappreżentanza, li hija ssostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar tista' wkoll tagħti tali għajnuna fil-każ li l-parti inkwistjoni ma tibbenefikax diġà minn għajnuna fuq livell nazzjonali jew sa fejn din l-għajnuna ma tkoprix — jew tkopri biss parzjalment — l-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-komunikazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qorti nazzjonali

28.

Matul il-proċedura kollha, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jżomm kuntatt mal-qorti tar-rinviju u jibgħatilha kopja tal-atti proċedurali kollha kif ukoll, jekk ikun il-każ, talbiet għal preċiżazzjonijiet jew kjarifiki li jitqiesu li huma neċessarji sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula minn din il-qorti.

29.

Fi tmiem il-proċedura, ir-Reġistru jibgħat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-qorti tar-rinviju, li hija mistiedna tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi misluta minn din id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali u kif ukoll tikkomunikalha d-deċiżjoni finali tagħha fil-kawża prinċipali.

II.   Dispożizzjonijiet applikabbli għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jeħtieġu ħeffa partikolari

30.

Fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 23a tal-Istatut kif ukoll fl-Artikoli 105 sa 114 tar-Regoli tal-Proċedura, rinviju għal deċiżjoni preliminari jista', f'ċerti ċirkustanzi, jiġi suġġett għal proċedura mħaffa jew għal proċedura b'urġenza. L-implementazzjoni ta' dawn il-proċeduri tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja wara li titressaq, mill-qorti tar-rinviju, talba debitament motivata li tistabbilixxi ċ-ċirkustanzi, ta' dritt jew ta' fatt, li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta' din il-proċedura (jew ta' dawn il-proċeduri) jew, f'każijiet eċċezzjonali, ex officio, meta n-natura jew iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża jidhru li jeħtieġu dan.

Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa u tal-proċedura b'urġenza

31.

Skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f'qasir żmien, rinviju għal deċiżjoni preliminari jista' jiġi suġġett għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli. Peress li din il-proċedura timponi ċerti restrizzjonijiet importanti fuq dawk kollha involuti fil-proċedura u, b'mod partikolari, fuq l-Istati Membri kollha li jkunu mistiedna jippreżentaw osservazzjonijiet, bil-miktub jew orali, f'termini ħafna iktar qosra mit-termini normali, l-applikazzjoni tagħha għandha tintalab biss f'ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni malajr dwar id-domandi magħmula. Skont ġurisprudenza stabbilita, in-numru kbir ta' persuni jew ta' sitwazzjonijiet legali li potenzjalment ikunu kkonċernati mid-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju jkollha tagħti wara li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ċirkustanza eċċezzjonali li tista' tiġġustifika l-użu ta' proċedura mħaffa.

32.

Din il-konstatazzjoni tapplika iktar u iktar fir-rigward tal-proċedura b'urġenza għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, din il-proċedura, li tapplika biss fl-oqsma li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE, dwar l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, timponi restrizzjonijiet saħansitra iktar onerużi fuq dawk kollha involuti fil-proċedura peress li tillimita n-numru tal-partijiet awtorizzati li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u peress li tippermetti, f'każijiet ta' urġenza estrema, li tiġi eskluża kompletament il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta' din il-proċedura għandha tintalab biss f'ċirkustanzi fejn ikun assolutament meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni b'ħeffa kbira ħafna dwar id-deċiżjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju.

33.

Mingħajr ma huwa possibbli li tali ċirkustanzi jiġu elenkati hawnhekk b'mod eżawrjenti, b'mod partikolari minħabba n-natura varja u evoluttiva tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, qorti nazzjonali tista', bħala eżempju, tikkunsidra li tressaq talba għal proċedura b'urġenza għal deċiżjoni preliminari fil-każ, imsemmi fir-raba' paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, ta' persuna taħt arrest jew imċaħħda mil-libertà tagħha, meta r-risposta għad-domanda magħmula tkun determinanti għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni legali ta' din il-persuna, jew fil-każ ta' tilwima li tikkonċerna l-awtorità parentali jew il-kustodja ta' wild minuri, meta l-kompetenza tal-qorti adita bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni tiddependi mir-risposta għad-domanda preliminari.

It-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura b'urġenza

34.

Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tiddeċiedi malajr jekk għandhiex tiġi implementata l-proċedura mħaffa jew il-proċedura b'urġenza għal deċiżjoni preliminari, it-talba għandha tesponi bi preċiżjoni ċ-ċirkustanzi ta' liġi u ta' fatt li jistabbilixxu l-urġenza u, b'mod partikolari, ir-riskji involuti jekk ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi ttrattat bil-proċedura normali. Sa fejn ikun possibbli, il-qorti tar-rinviju għandha tindika wkoll, fil-qosor, il-fehma tagħha dwar ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula. Fil-fatt, tali indikazzjoni tiffaċilita t-teħid ta' pożizzjoni mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-partijiet interessati l-oħra li jipparteċipaw fil-proċedura u, għaldaqstant, tikkontribwixxi għall-ħeffa tal-proċedura.

35.

It-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura b'urġenza għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi ppreżentata f'forma mhux ambigwa li tippermetti lir-Reġistru jikkonstata immedjatament li l-proċess jeħtieġ trattament speċifiku. Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju hija mistiedna tispeċifika liema waħda miż-żewġ proċeduri hija meħtieġa fil-kawża ineżami u hija mistiedna tindika, fuq it-talba tagħha, l-artikolu rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura (l-Artikolu 105, dwar il-proċedura mħaffa, jew l-Artikolu 107, dwar il-proċedura b'urġenza). Din l-indikazzjoni għandha ssir f'post li jista' jiġi identifikat b'mod ċar fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha (pereżempju fil-parti ta' fuq tal-paġna jew permezz ta' att ġudizzjarju separat). Jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tista' tibgħat ittra ta' akkumpanjament fejn tindika din it-talba.

36.

Fir-rigward tad-deċiżjoni tar-rinviju stess, in-natura konċiża tagħha hija iktar u iktar importanti f'sitwazzjoni ta' urġenza peress li tikkontribwixxi għall-ħeffa tal-proċedura.

Il-komunikazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju u l-partijiet fil-kawża prinċipali

37.

Sabiex tħaffef u tiffaċilita l-komunikazzjoni mal-qorti tar-rinviju u mal-partijiet fil-kawża prinċipali, il-qorti li tressaq talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura b'urġenza hija mistiedna tindika l-indirizz elettroniku, u jekk ikun il-każ in-numru ta' faks, li tkun tista' tuża l-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll l-indirizzi elettroniċi, u jekk ikun il-każ in-numri ta' faks, tar-rappreżentanti tal-partijiet inkwistjoni.

38.

Kopja tad-deċiżjoni tar-rinviju ffirmata, b'talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura b'urġenza, tista' tintbagħat mill-ewwel lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta' ittra elettronika (ECJ-Registry@curia.europa.eu) jew permezz ta' faks (+ 352 43 37 66). It-trattament tar-rinviju u tat-talba jkun jista' jinbeda hekk kif tasal tali kopja. Madankollu, l-oriġinal ta' dawn l-atti għandu mbagħad jintbagħat lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-iqsar żmien possibbli.


(1)  ĠU L 265, 29.9.2012, p. 1.


ANNESS

L-elementi essenzjali ta' talba għal deċiżjoni preliminari

1.   Il-qorti tar-rinviju

It-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi indikazzjoni preċiża tal-qorti tar-rinviju u, jekk ikun il-każ, tal-awla jew tal-kulleġġ ġudikanti li jkun qed jagħmel ir-rinviju, u għandha tipprovdi d-dettalji sħaħ ta' din il-qorti sabiex tiffaċilita l-kuntatti sussegwenti bejnha u l-Qorti tal-Ġustizzja.

2.   Il-partijiet fil-kawża prinċipali u r-rappreżentanti tagħhom

L-indikazzjoni tal-qorti tar-rinviju għandha tiġi segwita bl-indikazzjoni tal-partijiet fil-kawża prinċipali u, jekk ikun il-każ, tal-persuni li jkunu qegħdin jirrappreżentawhom quddiem il-qorti tar-rinviju. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu kemm jista' jkun sħaħ u għandhom jinkludu, b'mod partikolari, fid-deċiżjoni tar-rinviju jew fl-ittra mibgħuta magħha, l-indirizz postali eżatt tal-persuni kkonċernati, in-numru tat-telefon jew tal-faks tagħhom u, meta jkollhom, l-indirizz elettroniku tagħhom.

Qiegħda hawnhekk tinġibed l-attenzjoni tal-qrati nazzjonali għall-Artikolu 95 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u għall-punti 21 u 22 ta' dawn ir-Rakkomandazzjonijiet. Jekk tqis li jkun meħtieġ, il-qorti tar-rinviju għandha hija stess, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, taħbi ċerti ismijiet jew informazzjoni, jew għandha tibgħat, minbarra t-talba għal deċiżjoni preliminari sħiħa, verżjoni anonimizzata ta' din it-talba, li mbagħad isservi bħala bażi għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

3.   Is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u l-fatti rilevanti

Il-qorti tar-rinviju għandha tiddeskrivi, fil-qosor, is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll il-fatti rilevanti, kif ikunu ġew ikkonstatati jew aċċettati minn din il-qorti.

4.   Id-dispożizzjonijiet legali rilevanti

It-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tindika, b'mod preċiż, id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, inklużi, jekk ikun il-każ, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji rilevanti, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom tkun qiegħda tintalab jew li l-validità tagħhom tkun qiegħda tiġi kkontestata. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu sħaħ u għandhom jinkludu t-titolu u r-referenzi preċiżi tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, kif ukoll ir-referenzi tal-pubblikazzjoni tagħhom. Sa fejn ikun possibbli, iċ-ċitazzjonijiet tal-ġurisprudenza, nazzjonali jew Ewropea, għandhom ikollhom ukoll in-numru ECLI (“European Case Law Identifier”) tad-deċiżjoni kkonċernata.

5.   Il-motivazzjoni tar-rinviju

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-każ biss li d-dritt tal-Unjoni jkun applikabbli għat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha tesponi r-raġunijiet li wassluha sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali. Jekk tqis li jkun utli sabiex tinftiehem it-tilwima, il-qorti tar-rinviju tista', f'din il-parti, tindika l-argumenti tal-partijiet f'dan ir-rigward.

6.   Id-domandi preliminari

Il-qorti tar-rinviju għandha tiddikjara, b'mod ċar u distint, id-domandi preliminari li qiegħda tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn id-domandi għandhom ikunu jistgħu jinftiehmu waħedhom, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jsir riferiment għall-espożizzjoni tar-raġunijiet tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

Sa fejn ikun possibbli, il-qorti tar-rinviju għandha tindika wkoll, fil-qosor, il-fehma tagħha dwar ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari.

7.   Bżonn eventwali ta' trattament speċifiku

Fl-aħħar nett, sa fejn il-qorti tar-rinviju tqis li t-talba mressqa minnha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ trattament speċifiku, kemm fir-rigward tal-ħtieġa li jitħares l-anonimat ta' persuni kkonċernati mit-tilwima fil-kawża prinċipali u kemm fir-rigward tal-ħeffa eventwali li biha għandha tiġi trattata t-talba mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raġunijiet li jwasslu għal dak it-trattament għandhom jiġu esposti, b'mod iddettaljat, fit-talba għal deċiżjoni preliminari u, jekk ikun il-każ, fl-ittra mibgħuta magħha.

L-aspetti formali tat-talba għal deċiżjoni preliminari

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu ppreżentati b'mod li jiffaċilitaw it-trattament elettroniku sussegwenti tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja u, b'mod partikolari, b'mod li jkunu jistgħu jiġu ddiġitalizzati u suġġetti għal ipproċessar ta' rikonoxximent ottiku tal-ittri. Għalhekk:

it-talbiet għandhom ikunu ttajpjati fuq karta bajda, mingħajr linji, ta' daqs A 4,

l-ittri użati għat-test għandhom ikunu ta' tipa komuni (bħal Times New Roman, Courrier jew Arial) u għandhom ikunu f'daqs ta' mhux inqas minn 12-il punt fit-test u ta' 10 punti fin-noti ta' qiegħ il-paġna, jekk ikun hemm, bi spazju ta' 1,5 bejn il-linji u b'marġnijiet, orizzontali u vertikali, ta' mhux inqas minn 2,5 cm (fil-parti ta' fuq, ta' isfel, tax-xellug u tal-lemin tal-paġna), u

il-paġni kollha tat-talba, kif ukoll il-paragrafi tagħha, għandhom ikunu nnumerati b'mod kontinwu u b'numri konsekuttivi.

It-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi datata u ffirmata. Hija għandha tintbagħat permezz ta' ittra rreġistrata, flimkien mal-proċess tal-kawża prinċipali, lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja (Greffe de la Cour de Justice), Rue du Fort Niedergrünewald, 2925 il-Lussemburgu, IL-LUSSEMBURGU.

Fil-każ ta' talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura b'urġenza, huwa rrakkomandat li l-ewwel tintbagħat kopja ffirmata tat-talba għal deċiżjoni preliminari permezz ta' ittra elettronika (ECJ-Registry@curia.europa.eu) jew permezz ta' faks (+ 352 433766), u li l-oriġinal ta' din it-talba mbagħad jintbagħat bil-posta.