ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 428

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
21 ta' Novembru 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

2016/C 428/01

L-aħħar pubblikazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

1


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI TAL-QORTI

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja

2016/C 428/02

Kawża C-87/16 P: Appell ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2016 minn Kenzo Tsujimoto mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-2 ta’ Diċembru 2016 fil-Kawża T-528/13, Kenzo vs EUIPO – Tsujimoto (KENZO ESTATE)

2

2016/C 428/03

Kawża C-344/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fil-21 ta Ġunju 2016 – Die Länderbahn GmbH DLB vs DB Station & Service AG

2

2016/C 428/04

Kawża C-417/16 P: Appell ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2016 minn August Storck KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-10 ta’ Mejju 2016 fil-Kawża T-806/14 – August Storck KG vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

3

2016/C 428/05

Kawża C-437/16 P: Appell ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2016 minn Wolf Oil Corp. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Imħallef uniku) fl-1 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawża T-34/15 – Wolf Oil Corp. vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

4

2016/C 428/06

Kawża C-447/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fil-11 ta’ Awwissu 2016 – Roland Becker vs Hainan Airlines Co. Ltd

5

2016/C 428/07

Kawża C-448/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fil-11 ta’ Awwssu 2016 – Mohamed Barkan, Souad Asbai, Assia Barkan, Zakaria Barkan, Nousaiba Barkan vs Air Nostrum L.A.M. S.A.

5

2016/C 428/08

Kawża C-467/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Stuttgart (il-Ġermanja) fit-22 ta’ Awwissu 2016 – Brigitte Schlömp vs Landratsamt Schwäbisch Hall

6

2016/C 428/09

Kawża C-470/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fit-22 ta’ Awwissu 2016 – North East Pylon Pressure Campaing Limited, Maura Sheehy vs An Bord Pleanála, The Minister for Communications Energy and Natural Resources, Ireland, Attorney General

7

2016/C 428/10

Kawża C-475/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Protodikeio Rethymnis (il-Greċja) fis-17 ta’ Awwissu 2016 – Proċeduri kriminali kontra K

8

2016/C 428/11

Kawża C-482/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija) fis-7 ta’ Settembru 2016 – Georg Stollwitzer vs ÖBB Personenverkehr AG

11

2016/C 428/12

Kawża C-484/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice di pace di Taranto (l-Italja) fit-8 ta’ Settembru 2016 – proċeduri kriminali kontra Antonio Semeraro

12

2016/C 428/13

Kawża C-487/16 P: Appell ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2016 minn Telefónica S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-28 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawża T-216/13, Telefónica vs Il-Kummissjoni

12

 

Il-Qorti Ġenerali

2016/C 428/14

Kawża T-167/14: Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ottubru 2016 – Søndagsavisen vs Il-Kummissjoni (Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna favur il-produzzjoni u l-innovazzjoni fil-qasam tal-istampa miktuba — Deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet — Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati — Assenza ta’ diffikultajiet serji — Obbligu ta’ motivazzjoni)

14

2016/C 428/15

Kawża T-350/15: Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ottubru 2016 – Perry Ellis International Group vs EUIPO – CG (p) [Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva li tista’ tiġi pperċepita bħala l-ittra p — Trade marks tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali figurattivi preċedenti P PROTECTIVE u P — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]

14

2016/C 428/16

Kawża T-461/15: Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ottubru 2016 – Guccio Gucci vs EUIPO – Guess? IP Holder (Rappreżentazzjoni ta’ erba’ G imxebilkin) [Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva li tirrappreżenta erba’ G imxebilkin — Trade marks tal-Unjoni Ewropea, nazzjonali u internazzjonali figurattivi preċedenti G — Raġuni relattiva għal rifjut — Nuqqas ta’ xebh tas-sinjali — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]

15

2016/C 428/17

Kawża T-753/15: Sentenza tal-Qorti Ġenerali 11 ta’ Ottubru – Guccio Gucci vs EUIPO – Guess? IP Holder (Rappreżentazzjoni ta’ erba’ ittri G imrikkbin fuq xulxin) [Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Unjoni Ewropea — Applikazzjoni għal trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta erba’ ittri G imrikkbin fuq xulxin — Trade marks tal-Unjoni u internazzjonali figurattivi preċedenti G — Raġuni relattiva għal rifjut — Assenza ta’ xebh bejn is-sinjali — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]

16

2016/C 428/18

Kawża T-600/15: Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2016 – PAN Europe et vs Il-Kummssjoni [Rikors għal annullament — Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Sustanza attiva sulfoksaflor — Inklużjoni fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 — Nuqqas ta’ interess dirett — Inammissibbiltà]

16

2016/C 428/19

Kawża T-635/16: Rikors ippreżentat fil-1 ta’ Settembru 2016 – IPA vs Il-Kummissjoni

17

2016/C 428/20

Kawża T-653/16: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2016 – Malta vs Il-Kummissjoni

18

2016/C 428/21

Kawża T-654/16: Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Settembru 2016 – Foshan Lihua Ceramic vs Il-Kummissjoni

19

2016/C 428/22

Kawża T-686/16 P: Appell ippreżentat fit-23 ta’ Settembru 2016 minn Daniele Possanzini mid-digriet mogħti fit-18 ta’ Lulju 2016 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-68/15, Possanzini vs Frontex

19

2016/C 428/23

Kawża T-713/16: Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Ottubru 2016 – Fair deal for expats et vs Il-Kummissjoni

20


MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/1


L-aħħar pubblikazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

(2016/C 428/01)

L-aħħar pubblikazzjoni

ĠU C 419, 14.11.2016

Pubblikazzjonijiet preċedenti

ĠU C 410, 7.11.2016

ĠU C 402, 31.10.2016

ĠU C 392, 24.10.2016

ĠU C 383, 17.10.2016

ĠU C 371, 10.10.2016

ĠU C 364, 3.10.2016

Dawn it-testi huma disponibbli fuq:

EUR-Lex: http://eur-lex.europa.eu


V Avviżi

PROĊEDURI TAL-QORTI

Il-Qorti tal-Ġustizzja

21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/2


Appell ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2016 minn Kenzo Tsujimoto mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-2 ta’ Diċembru 2016 fil-Kawża T-528/13, Kenzo vs EUIPO – Tsujimoto (KENZO ESTATE)

(Kawża C-87/16 P)

(2016/C 428/02)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Kenzo Tsujimoto (rappreżentanti: A. Wenninger-Lenz, M. Ring, W. von der Osten-Sacken, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Kenzo, L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Lulju 2016 il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) iddeċidiet li l-appell huwa inammissibbli.


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/2


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fil-21 ta Ġunju 2016 – Die Länderbahn GmbH DLB vs DB Station & Service AG

(Kawża C-344/16)

(2016/C 428/03)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Die Länderbahn GmbH DLB

Konvenuta: DB Station & Service AG

Domandi preliminari

1)

Dispożizzjoni nazzjonali skont liema l-utent ta’ infrastruttura tal-ferroviji li titressaq azzjoni kontrih għall-pagament ta’ tariffi ta’ użu mill-amministratur tal-infrastruttura quddiem qorti ċivili, jew li jitlob quddiem tali qorti r-rimbors ta’ tariffi ta’ użu mħallsa, jista’ jinvoka l-fatt li t-tariffa stabbilita mill-amministratur tal-infrastruttura ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ ekwità, hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (1) li jirrigwardaw l-indipendenza tal-amministrazzjoni tal-impriża ta’ infrastruttura [Artikolu 4(1), (4) u (5)], il-prinċipji tal-istabbiliment tat-tariffi (Artikoli 7 sa 12) u l-kompiti tal-korp regolatorju (Artikolu 30)?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda teħtieġ risposta fl-affermattiv, dispożizzjoni nazzjonali skont liema l-qorti adita tista’ u għandha tiffissa b’sentenza t-tariffa effettivament dovuta meta tasal għall-konklużjoni li t-tariffa stabbilita ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ ekwità, hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ċċitati hawn fuq?


(1)  Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet [tariffi] għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/3


Appell ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2016 minn August Storck KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-10 ta’ Mejju 2016 fil-Kawża T-806/14 – August Storck KG vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-417/16 P)

(2016/C 428/04)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: August Storck KG (rappreżentanti: I. Rohr, P. Goldenbaum, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Mejju 2016, fil-Kawża T-806/14

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fil-Każ R0644/2014-5; sussidjarjament tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, jekk ikun neċessarju

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll għal dawk sostnuti mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-Bord tal-Appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

I.

L-ewwel aggravju: Ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (1) – Applikazzjoni ta’ kriterji żbaljati

1.

Il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat teħtieġ li sabiex it-trade mark tkun distintiva din “tkun differenti b’mod sinjifikattiv mill-istandards jew mill-użanzi fis-settur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija tapplika t-test għal trade marks tridimensjonali li jikkonstu fl-apparenza tal-prodotti fihom infushom mingħajr element verbali jew grafiku, liema test huwa iktar strett mit-test għal trade marks normali. Dan it-test iktar strett ma kellux jiġi applikat għaliex it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija trade mark bidimensjonali li tinkludi element grafiku. L-applikazzjoni tat-test iktar strett tmur kontra ġurisprudenza stabbilita sew.

2.

Il-Qorti Ġenerali twettaq żball meta tibbaża l-konklużjoni tagħha fuq is-sentenza Storck vs UASI, C-25/05 P, EU:C:2006:422. Dak il-każ bl-ebda mod ma huwa komparabbli mal-kawża preżenti peress li kien jikkonċerna prodott (bl-imballaġġ) mingħajr ebda element grafiku u/jew verbali.

3.

L-applikazzjoni ta’ regoli iktar stretti minn dawk applikabbli għal trade marks verbali u trade marks figurattivi hija wkoll mhux iġġustifikata għaliex il-portata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija iktar ristretta milli tkun il-portata ta’ reġistrazzjoni li tkopri l-element grafiku biss. Billi applikat ir-regoli iktar stretti, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li ma għandhomx jiġu rreġistrati (biss) it-trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv.

II.

It-tieni aggravju: Ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 – Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ speċjalità

4.

Il-Qorti Ġenerali kkwalifikat il-prodotti rilevanti, f’sens eċċessivament wiesa’, bħala prodotti rħas, ta’ konsum ta’ kuljum, li sabiex jinxtraw ma huwiex meħtieġ perijodu twil ta’ riflessjoni. Dan wassal għall-konklużjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali li l-pubbliku rilevanti jkollu livell ta’ attenzjoni baxx partikolarment fir-rigward tal-karatteristiċi tal-imballaġġ.

5.

Il-Qorti Ġenerali messha pjuttost analizzat, fir-rigward tal-prodotti speċifiċi stess (jiġifieri ħelu, ċikkulata, prodotti taċ-ċikkulata, ħlewwiet bl-għaġina u ġelati), liema livell ta’ attenzjoni japplikaw il-konsumaturi u xi rwol għandu l-imballaġġ speċifiku ħafna kif kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tħares lejn is-sitwazzjoni verament tipika ta’ xiri fir-rigward ta’ dawk il-prodotti.

6.

Billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tal-prodotti rilevanti l-Qorti Ġenerali ma applikatx il-prinċipju ta’ speċjalità. Li kieku l-Qorti Ġenerali għamlet dan b’mod korrett, hija kienet tieħu inkunsiderazzjoni li l-konsumaturi tal-prodotti rilevanti huma mdorrija jagħtu attenzjoni kbira lill-kuluri, lill-forma u lid-disinn tal-imballaġġ. Il-konsumaturi tal-prodotti rilevanti ma jkollhom ebda problema jidentifikaw is-sors tal-prodott fuq is-sempliċi bażi tal-kombinazzjoni tal-linji, tal-kuluri u tal-forom, kif koperta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/4


Appell ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2016 minn Wolf Oil Corp. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Imħallef uniku) fl-1 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawża T-34/15 – Wolf Oil Corp. vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-437/16 P)

(2016/C 428/05)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Wolf Oil Corp. (rappreżentanti: P. Maeyaert, J. Muyldermans, advocaten)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawża T-34/15

tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjent fl-ewwel istanza għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti minn Wolf Oil.

Aggravji u argumenti prinċipali

Bl-appell tagħha, l-appellanti (Wolf Oil) titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Ġunju 2016, Wolf Oil vs EUIPO – SCT Lubricants (CHEMPIOIL) (T-34/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:330) (is-“sentenza appellata”) permezz ta’ liema l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Wolf Oil kontra d-deċiżjoni mogħtija mill-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (“EUIPO”) fil-31 ta’ Ottubru 2014 (Kawża R 1596/2013-5). L-appell huwa bbażat fuq żewġ aggravji.

Bl-ewwel aggravju tagħha, Wolf Oil issostni li s-sentenza appellata ma hijiex motivata suffiċjentement u li żnaturat il-provi, sa fejn ma tinkludix risposta għal ċertu numru ta’ argumenti u ta’ inkoerenzi invokati minn Wolf Oil insostenn tal-motiv skont liema l-EUIPO ma applikatx korrettament il-probabbiltà ta’ konfużjoni [Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (1) (kif emendata reċentement permezz tar-Regolament 2015/2424 (2))].

Bit-tieni aggravju tagħha, Wolf Oil tallega li s-sentenza appellata kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, billi applikat b’mod żbaljat il-prinċipji marbuta mal-probabbiltà ta’ konfużjoni. L-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel żewġ partijiet tat-tieni aggravju huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tar-regola stabbilita sew fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li differenzi kunċettwali bejn żewġ trade marks jistgħu, sa ċertu punt, jinnewtralizzaw ix-xebh fuq il-livell viżiv u fonetiku tal-imsemmija trade marks. It-tielet parti tat-tieni aggravju tikkontesta s-sentenza appellata sa fejn, fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, l-użu reali mit-trade mark fis-suq ma tteħidx inkunsiderazzjoni.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

(2)  Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU L 341, p. 21).


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/5


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fil-11 ta’ Awwissu 2016 – Roland Becker vs Hainan Airlines Co. Ltd

(Kawża C-447/16)

(2016/C 428/06)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Roland Becker

Konvenuta: Hainan Airlines Co. Ltd

Domanda preliminari

Għandu jitqies li, fil-każ ta’ trasport ta’ persuni mwettaq fuq żewġ titjiriet, mingħajr waqfa kunsiderevoli fl-ajruporti ta’ konnessjoni, il-post ta’ tluq tal-ewwel parti tat-titjira huwa l-post ta’ eżekuzzjoni fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (1), anki meta d-dritt għall-kumpens finanzjarju previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (2), invokat fir-rikors, ikun bbażat fuq inċident li seħħ fit-tieni parti tat-titjira u meta r-rikors ikun ippreżentat kontra l-parti kontraenti l-oħra fil-kuntratt ta’ trasport li hija, effettivament, it-trasportatur tal-ajru tat-tieni titjira, iżda mhux tal-ewwel titjira?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

(2)  Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/5


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fil-11 ta’ Awwssu 2016 – Mohamed Barkan, Souad Asbai, Assia Barkan, Zakaria Barkan, Nousaiba Barkan vs Air Nostrum L.A.M. S.A.

(Kawża C-448/16)

(2016/C 428/07)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Mohamed Barkan, Souad Asbai, Assia Barkan, Zakaria Barkan, Nousaiba Barkan

Konvenuta: Air Nostrum L.A.M. S.A.

Domandi preliminari

1)

Il-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (1), tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” tkopri wkoll dritt għall-kumpens finanzjarju previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, invokat fir-rigward ta’ trasportatur tal-ajru effettiv li ma huwiex l-parti kontraenti l-oħra fil-kuntratt mal-passiġġier ikkonċernat?

2)

Fl-ipoteżi li l-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 japplika:

Għandu jitqies li, fir-rigward ta’ trasport ta’ persuni mwettaq fuq żewġ titjiriet, mingħajr waqfa kunsiderevoli fl-ajruport ta’ konnessjoni, id-destinazzjoni finali tal-passiġġier hija l-post ta’ eżekuzzjoni fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, anki meta d-dritt għall-kumpens finanzjarju previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, invokat fir-rikors, ikun ibbażat fuq inċident li seħħ fl-ewwel parti tat-titjira u meta r-rikors ikun ippreżentat kontra t-trasportatur tal-ajru effettiv tal-ewwel titjira li ma huwiex il-parti kontraenti l-oħra fil-kuntratt ta’ trasport?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/6


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Stuttgart (il-Ġermanja) fit-22 ta’ Awwissu 2016 – Brigitte Schlömp vs Landratsamt Schwäbisch Hall

(Kawża C-467/16)

(2016/C 428/08)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Stuttgart

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Brigitte Schlömp

Konvenuta: Landratsamt Schwäbisch Hall

Domanda preliminari

Awtorità ta’ arbitraġġ taħt il-liġi Svizzera tidħol ukoll fil-kunċett ta’ “qorti” fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 27 u 30 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano (1), tat-30 ta’ Ottubru 2007, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali?


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2009, L 147, p. 1).


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fit-22 ta’ Awwissu 2016 – North East Pylon Pressure Campaing Limited, Maura Sheehy vs An Bord Pleanála, The Minister for Communications Energy and Natural Resources, Ireland, Attorney General

(Kawża C-470/16)

(2016/C 428/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: North East Pylon Pressure Campaing Limited, Maura Sheehy

Konvenuti: An Bord Pleanála, The Minister for Communications Energy and Natural Resources, Ireland, Attorney General

Domandi preliminari

1)

Fil-kuntest ta’ ordinament ġuridiku nazzjonali li fih il-leġiżlatur ma jkunx stabbilixxa b’mod espress u definittiv f’liema stadju tal-proċedura tista’ tiġi kkontestata deċiżjoni u li fih tali kwistjoni għandha tiġi deċiża mill-qorti fil-kuntest ta’ kull rikors speċifiku fuq il-bażi ta’ każ b’każ skont regoli tad-dritt komuni, id-dritt naxxenti mill-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92/UE (1) għal proċedura li “ma tiswiex tant li tkun projbittiva [ma tkunx eċċessivament oneruża]” japplika għal proċedura quddiem qorti nazzjonali li permezz tagħha jiġi ddeterminat jekk ir-rikors partikolari inkwistjoni ġiex ippreżentat fl-istadju korrett?

2)

Ir-rekwiżit li l-proċedura “ma tiswiex tant li tkun projbittiva [ma tkunx eċċessivament oneruża]” skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92/UE japplika għall-elementi kollha ta’ proċedura ġudizzjarja li permezz tagħha tiġi kkontestata l-legalità (skont id-dritt nazzjonali jew tal-UE) ta’ deċiżjoni, att jew omissjoni suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar il-parteċipazzjoni pubblika, jew unikament għall-elementi tad-dritt tal-Unjoni ta’ tali kontestazzjoni (jew b’mod partikolari, unikament għall-elementi tal-kontestazzjoni marbuta ma’ kwistjonijiet li jikkonċernaw dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar il-parteċipazzjoni pubblika);

3)

Il-frażi “[i]d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet” fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92/UE tinkludi deċiżjonijiet amministrattivi adottati waqt li tkun qiegħda tiġi ddeterminata applikazzjoni għall-kisba ta’ permess għall-iżvilupp, indipendentement minn jekk dawn id-deċiżjonijiet amministrattivi jiddeterminawx id-drittijiet legali tal-partijiet b’mod irriversibbli u finali?

4)

Qorti nazzjonali, bil-għan li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ambjentali tal-Unjoni, għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha b’mod kemm jista’ jkun konsistenti mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni UNECE dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ambjentali magħmula f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 (a) fi proċedura li tikkontesta l-validità ta’ proċedura għall-kisba ta’ permess għall-iżvilupp marbuta ma’ proġett ta’ interess komuni magħżul skont ir-Regolament Nru 347/2013 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ April 2013, dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, u/jew (b) fi proċedura li tikkontesta l-validità ta’ proċedura għall-kisba ta’ permess għall-iżvilupp fejn l-iżvilupp ikun jaffettwa sit Ewropew magħżul skont id-Direttiva tal-Kunsill Nru 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa?

5)

Fil-każ li r-risposta għad-domandi (4)(a) u/jew (b) tkun fl-affermattiv, id-dikjarazzjoni li r-rikorrenti għandhom “jissodisfaw kull rekwiżit stabbilit fil-fid-dritt nazzjonali” tipprekludi lill-Konvenzjoni milli titqies li għandha effett dirett, f’ċirkustanzi fejn ir-rikorrenti ma jkunux naqsu milli jissodisfaw kriterju tad-dritt nazzjonali għall-preżentata ta’ rikors u/jew ikunu manifestament intitolati li jippreżentaw tali rikors (a) fi proċedura li tikkontesta l-validità ta’ proċedura għall-kisba ta’ permess għall-iżvilupp marbut ma’ proġett ta’ interess komuni magħżul skont ir-Regolament Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ April 2013, dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, u/jew (b) fi proċedura li tikkontesta l-validità ta’ proċedura għall-kisba ta’ permess għall-iżvilupp fejn l-iżvilupp ikun jaffettwa sit Ewropew magħżul skont id-Direttiva tal-Kunsill KEE Nru 92/43, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa?

6)

Stat Membru huwa ħieles li jipprovdi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, eċċezzjonijiet għar-regola li l-proċeduri ambjentali ma għandhomx ikunu eċċessivament onerużi, meta d-Direttiva 2011/92/UE jew il-Konvenzjoni UNECE dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ambjentali magħmula f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 ma jipprovdu għall-ebda eċċezzjoni simili? u

7)

B’mod partikolari, rekwiżit tad-dritt nazzjonali li jirrikjedi rabta kawżali bejn l-allegat att jew deċiżjoni illegali u d-dannu ambjentali bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni UNECE dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ambjentali magħmula f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 bil-għan li jiġi żgurat li proċeduri ambjentali ma jkunux eċċessivament onerużi huwa kompatibbli mal-konvenzjoni?


(1)  Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, p. 1).

(2)  Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ April 2013, dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, p. 39)


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Protodikeio Rethymnis (il-Greċja) fis-17 ta’ Awwissu 2016 – Proċeduri kriminali kontra K

(Kawża C-475/16)

(2016/C 428/10)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Protodikeio Rethymnis (Monomeles Plimmeleiodikeio Rethymnis) (Qorti Kriminali tal-ewwel istanza b’membru uniku ta’ Rethymno, il-Greċja)

Parti fil-kawża prinċipali

K

Domandi preliminari

1)

Skont l-Artikoli 19 TUE u 263, 266 u 267 TFUE kif ukoll il-prinċpju ta’ kooperazzjoni leali (Artikolu 4(3) TUE) li fuq il-bażi tagħhom l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom jieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiġi rrimedjat il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jikkonformaw mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li għandhom effett erga omnes, l-Istati Membri huma konsegwentement obbligati li jħassru jew jemendaw il-miżura leġiżlattiva li ttrasponiet direttiva annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja peress li hija kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattati jew tal-Karta (jew li tinjorahom), sabiex tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u sabiex tirrimedja għalhekk għall-ksur tat-Trattati u tal-Karta u tipprekludi dan għall-futur?

2)

Fir-rigward tad-domanda preċedenti, l-Artikolu 266 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 233 TKE) jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “korp jew [ta’] organu” jinkludi wkoll (skont interpretazzjoni wiesgħa jew b’analoġija) l-Istat Membru li ttraspona fl-ordinament ġuridiku tiegħu direttiva li ġiet annullata minħabba li tikser it-Trattati jew il-Karta jew inkella, f’tali każ, l-Artikolu 260(1) TFUE jista’ jkun is-suġġett ta’ applikazzjoni b’analoġija?

3)

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija essenzjalment fl-affermattiv, jiġifieri jekk huwa l-obbligu tal-Istati Membri li jieħdu dawk il-miżuri kollha ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiġi rrimedjat il-ksur tad-dritt primarju tal-Unjoni filwaqt li jħassru u jemendaw il-miżura leġiżlattiva li ttrasponiet direttiva li ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minħabba li tikser it-Trattati jew il-Karta, dan l-obbligu jestendi għall-qrati nazzjonali, fis-sens li dawn huma mistennija li ma japplikawx il-miżura leġiżlattiva permezz ta’ liema direttiva annullata ġiet trasposta, f’dan il-każ id-Direttiva 2006/24/KE, tal-inqas dik il-parti tagħha li tikser il-Karta jew it-Trattati, u, konsegwentement, li ma jitqisux il-provi miksuba bis-saħħa ta’ dawn il-miżuri (id-direttiva u l-miżura ta’ traspożizzjoni nazzjonali)?

4)

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2006/24/KE, annullata bis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C-293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238) minħabba li tikser il-Karta, taqa’ taħt, kif meħtieġ mill-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, minħabba s-sempliċi fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2006/24/KE u dan, indipendentement mill-annullament sussegwenti ta’ din id-direttiva mill-Qorti tal-Ġustizzja?

5)

Fid-dawl tal-fatt li l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24/KE li kienet ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet intiża sabiex timplementa, fuq livell tal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, qafas armonizzat fil-qasam taż-żamma ta’ ċerta data mill-fornituri ta’ servizzi għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali sabiex ineħħu l-ostakoli fi ħdan is-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2006/24 taqa’ fil-qafas tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 u, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 51(1) tal-Karta?

6)

Il-fatt li l-kundanna kriminali possibbli ta’ ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni, bħal f’dan il-każ, neċessarjament twassal għal limitazzjonijiet fl-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ moviment liberu li dan għandu skont id-dritt tal-Unjoni, huwa biżżejjed, għalkemm dawn il-limitazzjonijiet huma ġġustifikati fil-prinċipju, li jiġi kkunsidrat li l-proċeduri kriminali kollha li jikkonċernawh jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif meħtieġ mill-Artikolu 51(1) tal-Karta?

Jekk ir-risposta għad-domandi preċitati hija, essenzjalment, li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija applikabbli, skont l-Artikolu 51(1), għandhom għalhekk isiru d-domandi segwenti:

7)

L-aċċess għad-data miżmuma skont id-Direttiva 2006/24 u/jew l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 u l-użu tagħhom mill-awtoritajiet tal-pulizija matul investigazzjonijiet kriminali f’kawżi ta’ natura urġenti u, b’mod iktar partikolari, f’każ ta’ delitt flagranti, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ta’ korp ġudizzjarju (jew ta’ entità amministrattiva indipendenti) ibbażata fuq ċirkustanzi sostantivi u proċedurali speċifiċi, huwa kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta?

8)

Skont l-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta, matul l-investigazzjonijiet kriminali magħmula mill-awtoritajiet tal-pulizija jew minn awtoritajiet oħra li ma humiex esklużivament ġudizzjarji, fil-kuntest ta’ liema huma jitolbu aċċess għal data miżmuma u l-użu tagħha skont id-Direttiva 2006/24 u/jew l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, b’mod partikolari meta l-investigazzjoni ma jkollhiex bħala suġġett il-prevenzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali speċifikament iddefiniti u kklassifikati bħala ta’ natura serja mil-leġiżlatur nazzjonali, il-kunsens possibbli tal-persuna li tirreferi għaliha d-data, jelimina, għall-finijiet ta’ aċċess għal din id-data u l-użu tagħha, ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti (jew ta’ entità amministrattiva indipendenti) ibbażata fuq ċirkustanzi sostantivi u proċedurali speċifiċi, fid-dawl barra minn hekk tal-fatt li d-data mitluba tinkludi wkoll, inevitabbilment, id-data ta’ terz (pereżempju, il-persuna li tagħmel sejħa jew id-destinatarju tagħha)?

9)

Awtorizzazzjoni ta’ prosekutur għall-finijiet ta’ aċċess għad-data miżmuma skont id-Direttiva 2006/24 u/jew l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali, hija waħedha kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta, meta tingħata mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti (jew ta’ entità amministrattiva indipendenti) ibbażata fuq ċirkustanzi sostantivi u proċedurali speċifiċi, b’mod partikolari meta l-investigazzjoni ma tinkludix il-prevenzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali speċifikament iddefiniti u kklassifikati bħala serji mil-leġiżlatur nazzjonali?

10)

Fid-dawl tas-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C-293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238, punti 60 u 61) u l-kunċett ta’ “reati serji” li jinsab fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/24, dan il-kunċett għandu tifsira awtonoma fid-dritt tal-Unjoni u, jekk fl-affermattiv, x’inhuwa l-kontenut sostantiv tiegħu li abbażi tiegħu għandu jiġi kkunsidrat li reat kriminali speċifiku huwa serju biżżejjed sabiex jiġġustifika l-aċċess għal data miżmuma skont id-Direttiva 2006/24 u l-użu ta’ din id-data?

11)

Fid-dawl tas-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C-293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238, punti 60 u 61) u indipendentement min-natura awtonoma jew le tal-kunċett ta’ “reati serji” li jinsab fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/24, l-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta jistipulaw kriterji ġenerali li abbażi tagħhom reat kriminali speċifiku huwa mequs bħala serju biżżejjed sabiex jiġġustifika l-aċċess għal data miżmuma skont id-Direttiva 2006/24 u/jew l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 u l-użu ta’ din id-data u, jekk fl-affermattiv, liema huma dawn il-kriterji?

12)

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija essenzjalment fl-affermattiv, l-istħarriġ tal-proporzjonalità għandu għalhekk jikkonsisti f’evalwazzjoni tal-karatteristiċi tar-reat li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni a) mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea waħedha jew b) mill-qorti nazzjonali, abbażi tal-kriterji ġenerali ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

13)

Fid-dawl tas-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C-293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238, punti 60 u 61), l-aċċess għal data miżmuma u l-użu tagħha fil-kuntest tal-prosekuzzjonijiet kriminali, skont sistema ġenerali ta’ żamma ta’ data adottata skont id-Direttiva 2006/24 u/jew l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li twieġeb għaċ-ċirkustanzi stipulati fil-punti 60, 61, 62, 67 u 68 tas-sentenza hawn fuq imsemmija iżda mhux għal dawk li huma stipulati fil-punti 58, 59, 63 u 64 ta’ din tal-aħħar, huwa kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta?

[Fi kliem ieħor, meta s-sistema ta’ żamma, minn naħa waħda, teħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti abbażi taċ-ċirkustanzi sostantivi u proċedurali speċifikati għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali speċifikament iddefiniti, li jinsabu f’lista stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali u kklassifikati bħala serji minn dan tal-aħħar, u tiżgura protezzjoni effikaċi tad-data miżmuma kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illegali ta’ din id-data (ara s-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C-293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238, punti 60 ,61, 62, 67 u 68) iżda, min-naħa l-oħra, tippermetti ż-żamma tad-data a) tal-persuni kollha, bla distinzjoni, li jużaw servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi u għal liema ma jeżisti l-ebda indiċi li huwa ta’ natura li jurihom li l-aġir tagħhom (ta’ akkużat jew ta’ suspettat) jista’ jkollu rabta, kemm indiretta jew remota, ma’ reati serji, qabel l-okkorrenza tal-fatti li wasslu li tintalab id-data mill-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjoni, b) mingħajr li d-data mitluba tirrigwarda, qabel l-okkorrenza tal-fatti li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni, i) perijodu ta’ żmien u/jew żona ġeografika ddeterminata u/jew ċirku ta’ nies partikolari li jistgħu jkunu involuti b’xi mod jew ieħor f’reat serju, jew ii) persuni li jistgħu, għal raġunijiet oħra, jikkontribwixxu, permezz taż-żamma tad-data tagħhom, għall-prevenzjoni, għall-iskoperta jew għall-prosekuzzjoni ta’ reati serji, c) matul perijodu (ta’ tnax-il xahar f’dan il-każ) stabbilit mingħajr ma tiġi magħmula ebda distinzjoni bejn il-kategoriji tad-data msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/24, skont l-utilità possibbli tagħhom għall-finijiet tal-għan segwit u skont il-persuni kkonċernati (ara s-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C-293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238, punti 58 ,59, 63, 67 u 64)]

14)

Jekk ir-risposta għad-domandi hawn fuq imsemmija hija, essenzjalment, li l-aċċess għal din id-data u l-użu tagħha ma huwiex kompatibbli mal- Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta, il-qorti nazzjonali għandha għalhekk tastjeni milli tapplika l-miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/24/KE annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew il-miżura nazzjonali li tistrieħ fuq l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, għar-raġuni li hija kuntrarju għall-Karta, u għalhekk ma tiħux inkunsiderazzjoni d-data li ġiet miksuba abbażi ta’ dawn il-miżuri nazzjonali?

15)

Fid-dawl tad-Direttiva 2006/24/KE u, b’mod iktar speċifiku, tal-premessa 6 tagħha skont liema “[d]-differenzi legali […] bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward iż-żamma ta’ data għal skopijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jippreżentaw ostakli għas-suq intern”, tal-għan tagħha li huwa, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, “li tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri”, ta’ premessi oħra (3, 4, 5, 11 u 21) u tas-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Irlanda vs Il-Parlament u l-Kunsill (C-301/06, EU:C:2009:68, punti 70 sa 72), iż-żamma tal-liġi li tittrasponi d-Direttiva 2006/24 fid-dritt nazzjonali, ukoll wara l-annullament ta’ din mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tikkostitwixxi ostakolu għall-istabbiliment u l-funzjonament ta’ suq intern, sa fejn ebda miżura ġdida ta’ armonizzazzjoni fil-qasam rilevanti ma tkun għadha daħlet fis-seħħ fid-dritt tal-Unjoni?

16)

B’mod iktar speċifiku, iż-żamma tal-liġi li tittrasponi d-Direttiva 2006/24/KE fid-dritt nazzjonali, ukoll wara l-annullament ta’ din mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew tal-miżura leġiżlattiva nazzjonali msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, tikkostitwixxi ostakolu għall-istabbiliment u l-funzjonament ta’ suq intern minħabba li b’mod kumulattiv jew b’mod sussidjarju:

a)

il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tistabbilixxi kriterji oġġettivi u kundizzjonijiet sostantivi li abbażi tagħhom l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jaċċedu għal data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni eċċ. miżmuma, u użata iktar tard, għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, filwaqt li huwa speċifikat, madankollu, li dawn il-kriterji u kundizzjonijiet jinsabu f’lista speċifika ta’ attivitajiet kriminali li hija stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali fid-diskrezzjoni tiegħu u li ma hijiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea;

b)

il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti dwar il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data miżmuma tistabbilixxi kriterji u modalitajiet tekniċi, li ma humiex madankollu s-suġġett ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea?

17)

Jekk ir-risposta għal mill-inqas waħda mid-domandi hawn fuq imsemmija hija fl-affermattiv, il-qorti nazzjonali għandha, konformement mad-dritt tal-Unjoni, tastjeni milli tapplika l-miżura nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2006/24/KE, li ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sa fejn din hija kuntrarja għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u, għalhekk, ma tikkunsidrax id-data miżmuma, li għaliha kien inkiseb aċċess abbażi tad-Direttiva 2006/24/KE jew tal-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58?”


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/11


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija) fis-7 ta’ Settembru 2016 – Georg Stollwitzer vs ÖBB Personenverkehr AG

(Kawża C-482/16)

(2016/C 428/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Innsbruck

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Georg Stollwitzer

Konvenuta: ÖBB Personenverkehr AG

Domandi preliminari

1)

Id-dritt tal-Unjoni fis-seħħ, b’mod partikolari l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 6(3) TUE u tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-“Karta”), il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta mill-moviment liberu tal-ħaddiema prevista fl-Artikolu 45 TFUE u fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79, iktar 'il quddiem id-“Direttiva 2000/78/KE”), għandu jiġi interpretat b’mod li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C-417/13, EU:C:2015:38, iktar 'il quddiem is-“sentenza Starjakob”) [jiġifieri l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena għall-membri tal-persunal tas-servizz tal-ferrovija Awstrijaka (Österreichische Bundesbahnen, iktar 'il quddiem l-“ÖBB”)], tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena ta’ parti żgħira tal-membri tal-persunal tal-ÖBB iddiskriminati mil-leġiżlazzjoni preċedenti (minkejja li unikament il-perijodi mwettqa fi ħdan l-ÖBB jew impriżi pubbliċi simili ta’ infrastrutturi ferrovjarji u/jew trasport bil-ferrovija fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni u/jew moviment liberu), iżda madankollu ma tiħux inkunsiderazzjoni l-perijodi kollha l-oħra ta’ servizz mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena li jikkonċernaw il-parti l-kbira tal-membri tal-persunal tal-ÖBB iddiskriminati inizjalment, b’mod partikolari l-perijodi li jippermettu lill-membri tal-persunal tal-ÖBB ikkonċernati jwettqu aħjar ix-xogħol tagħhom, bħal pereżempju l-perijodi ta’ servizz imwettqa fi ħdan impriżi oħra pubbliċi jew privati ta’ trasport u/jew ta’ infrastrutturi, li jimmanifatturaw, iħaddmu jew imantnu l-infrastruttura użata mill-persuna li timpjega [ÖBB] (materjal fuq ir-roti, kostruzzjoni ta’ binarji ferrovjarji, kostruzzjoni ta’ linji, sistemi elettriċi u elettroniċi, devjatur, kostruzzjoni ta’ stazzjonijiet, eċċ), jew impriżi simili għal dawn, u li b’hekk fil-fatt tkompli effettivament u definittivament diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għad-detriment tal-parti l-kbira tal-membri tal-persunal tal-ÖBB affettwati mil-leġiżlazzjoni diskriminatorja preċedenti?

2)

L-aġir ta’ Stat Membru, proprjetarju ta’ 100 % ta’ impriża ta’ trasport bil-ferrovija u li huwa, fil-fatt, il-persuna li timpjega membri tal-persunal li jaħdmu għal din il-impriża, jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza sabiex dan l-Istat jitqies responsabbli abbażi tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-kundizzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, bħal pereżempju tal-Artikolu 2(1) flimkien mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78/KE, interpretati minn diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja [tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter, C-88/08, EU:C:2009:381 (iktar 'il quddiem is-“sentenza Hütter”); tas-16 ta’ Jannar 2014, Pohl, C-429/12, EU:C:2014:12 (iktar 'il quddiem is-“sentenza Pohl”); Starjakob] meta għal raġunijiet purament fiskali, dan l-Istat Membru pprova jevita fl-2011 u l-2015, permezz ta’ emendi leġiżlattivi applikabbli retroattivament, id-dritt ta’ dawn il-membri tal-persunal, ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, għal ħlas addizzjonali ta’ remunerazzjoni minħabba d-diskriminazzjoni, b’mod partikolari bbażata fuq l-età, ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi sentenzi (Hütter, Pohl, Starjakob) u rrikonoxxut ukoll f’diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali fosthom deċiżjoni tal-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) (bir-referenza 8 ObA 11/15 y)?


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/12


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice di pace di Taranto (l-Italja) fit-8 ta’ Settembru 2016 – proċeduri kriminali kontra Antonio Semeraro

(Kawża C-484/16)

(2016/C 428/12)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Giudice di pace di Taranto

Parti fil-kawża prinċipali

Antonio Semeraro

Domanda preliminari

Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (1), li ġiet trasposta fl-Italja permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 212, tal-15 ta’ Diċembru 2015, ippubblikat fil-Gazzetta Ufficiale, serje ġenerali, Nru 3 tal-5 ta’ Jannar 2016, u b’mod iktar speċifiku, il-premessi 9, 66 u 67 kif ukoll l-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmija direttiva, fid-dawl tal-Artikolu 83 TFUE u tal-Artikoli 2 u 3 tal-kostituzzjoni Taljana kif ukoll tal-Artikoli 49, 51, 53 u 54 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tipprekludu t-tħassir tar-reat previst fl-Artikolu 594 tal-kodiċi penali, liema tħassir huwa previst fl-Artikoli [1] et seq. tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 7, tal-15 ta’ Jannar 2016?


(1)  ĠU L 315, p. 57.


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/12


Appell ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2016 minn Telefónica S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-28 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawża T-216/13, Telefónica vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-487/16 P)

(2016/C 428/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Telefónica S.A. (rappreżentanti: J. Folguera Crespo u P. Vidal Martínez, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza, u magħha d-Deċiżjoni (1), għar-raġunijiet esposti fit-tieni aggravju filwaqt li tiddikjara li ma kinitx teżisti restrizzjoni minħabba l-għan fl-aġir ta’ Telefónica.

sussidjarjament, tannulla s-sentenza għar-raġunijiet esposti fl-ewwel aggravju filwaqt li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tisma’ x-xhieda miċħuda u tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors għal annullament ta’ Telefónica quddiem il-Qorti Ġenerali fid-dawl tax-xhieda mismugħa.

Iktar sussidjarjament u għall-motivi esposti fit-tielet aggravju,

tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza;

tiddikjara li l-aġir ta’ Telefónica ma kienx daqstant gravi u li jeżistu ċ-ċirkustanzi attenwanti indikati fit-tielet aggravju ta’ dan l-appell; u

tiddetermina l-perċentwali ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa bħala konsegwenza ta’ din il-gravità inferjuri u taċ-ċirkustanzi attenwanti indikati, b’mod konformi ma’ dak li huwa espost fl-imsemmi aggravju.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minn Telefónica kemm fil-proċeduri tal-ewwel istanza kif ukoll f’dawn il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

taċċetta t-tul ta’ dan l-appell, ftit itwal minn dak li huwa rrakkomandat fl-Istruzzjonijiet prattiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-impatt ekonomiku tal-kawża fuq l-appellanti kif ukoll f’dak tal-kumplessità tal-argumenti esposti.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.

Ksur tal-Artikoli 47 u 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali minħabba li t-talba għall-eżami tax-xhieda ġiet miċħuda. Iċ-ċaħda tal-Qorti Ġenerali tax-xhieda mitluba poġġiet lil Telefónica f’sitwazzjoni fejn ma setgħetx tiddefendi ruħha, minħabba li ċaħħditha minn mezz ta’ prova essenzjali u determinanti għall-għarfien korrett tal-kawża. L-approċċ tal-Qorti Ġenerali jistħoqqlu erba’ oġġezzjonijiet fundamentali: (i) l-oġġezzjoni tal-kontradizzjoni teleoloġika; (ii) l-oġġezzjoni tal-isproporzjonalità fl-oneru tal-prova; (iii) l-oġġezzjoni tal-antiċipazzjoni tar-riżultat tax-xhieda; u (iv) l-oġġezzjoni tal-iżbilanċ fl-evalwazzjoni.

2.

Ksur tal-Artikolu 101 TFUE minħabba applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza dwar ir-restrizzjonijiet minħabba l-għan u tal-prinċipji ta’ motivazzjoni u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

Sussidjarjament:

3.

Żball fl-evalwazzjoni tal-gravità inferjuri tal-ksur u fl-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti fl-aġir ta’ Telefónica. Telefónica tqis li fl-evalwazzjoni tagħha l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni fatturi addizzjonali li juru gravità inferjuri tal-aġir u li kienu jagħtu lok għal tnaqqis addizzjonali tal-multa, lil hinn minn dak diġà applikat mill-Kummissjoni.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 306 finali, tat-23 ta’ Jannar 2013, dwar proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE (Każ COMP/39.839 – Telefónica vs Portugal Telecom)


Il-Qorti Ġenerali

21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/14


Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ottubru 2016 – Søndagsavisen vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-167/14) (1)

((“Għajnuna mill-Istat - Skema ta’ għajnuna favur il-produzzjoni u l-innovazzjoni fil-qasam tal-istampa miktuba - Deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet - Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern - Drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati - Assenza ta’ diffikultajiet serji - Obbligu ta’ motivazzjoni”))

(2016/C 428/14)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Partijiet

Rikorrenti: Søndagsavisen A/S (Søborg, id-Danimarka) (rappreżentanti: inizjalment minn M. Honoré u C. Fornø, sussegwentement minn M. Honoré, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Grønfeldt u B. Stromsky, aġenti)

Parti konvenuta insostenn tal-konvenuta: Ir-Renju tad-Danimarka (rappreżentanti: C. Thorning, aġent, assistit minn R. Holdgaard, avukat)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 7870 finali, tal-20 ta’ Novembru 2013, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat SA.36366 (2013/N) innotifikata mir-Renju tad-Danimarka favur il-produzzjoni u l-innovazzjoni fil-qasam tal-istampa miktuba.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Søndagsavisen A/S hija kkundannata tħallas l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)

Ir-Renju tad-Danimarka għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu.


(1)  ĠU C 223, 14.7.2014.


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/14


Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ottubru 2016 – Perry Ellis International Group vs EUIPO – CG (p)

(Kawża T-350/15) (1)

([“Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva li tista’ tiġi pperċepita bħala l-ittra ‘p’ - Trade marks tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali figurattivi preċedenti P PROTECTIVE u P - Raġuni relattiva għal rifjut - Probabbiltà ta’ konfużjoni - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”])

(2016/C 428/15)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Perry Ellis International Group Holdings Ltd (Nassau, il-Baħamas) (rappreżentanti: O. Günzel, V. Ahmann u C. Tenkhoff, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Stoyanova Valchanova, M. Fischer u D. Gája, aġenti)

Parti oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali: CG Verwaltungsgesellschaft mbH (Gevelsberg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: T. Körber u T. E. Vlah, avukati)

Suġġett

Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-28 ta’ April 2015 (Każ R 2441/2014-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn CG Verwaltungsgesellschaft u Perry Ellis International Group Holdings.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Perry Ellis International Group Holdings Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.


(1)  ĠU C 270, 17.8.2015.


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/15


Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ottubru 2016 – Guccio Gucci vs EUIPO – Guess? IP Holder (Rappreżentazzjoni ta’ erba’ G imxebilkin)

(Kawża T-461/15) (1)

([“Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità - Trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva li tirrappreżenta erba’ G imxebilkin - Trade marks tal-Unjoni Ewropea, nazzjonali u internazzjonali figurattivi preċedenti G - Raġuni relattiva għal rifjut - Nuqqas ta’ xebh tas-sinjali - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”])

(2016/C 428/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Guccio Gucci SpA (Firenze, l-Italja) (rappreżentanti: P. L. Roncaglia, F. Rossi u N. Parrotta, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (rappreżentant: S. Bonne, aġent)

Parti oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali: Guess? IP Holder LP (Los Angeles, California, l-Istati Uniti) (rappreżentant: D. McFarland, barrister)

Suġġett

Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tas-27 ta’ Mejju 2015 (Każ R 2049/2014-4), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Guccio Gucci u Guess? IP Holder.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Guccio Gucci SpA hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti minn Guess? IP Holder LP quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).


(1)  ĠU C 328, 5.10.2015.


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/16


Sentenza tal-Qorti Ġenerali 11 ta’ Ottubru – Guccio Gucci vs EUIPO – Guess? IP Holder (Rappreżentazzjoni ta’ erba’ ittri “G” imrikkbin fuq xulxin)

(Kawża T-753/15) (1)

([“Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Unjoni Ewropea - Applikazzjoni għal trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta erba’ ittri ‘G’ imrikkbin fuq xulxin - Trade marks tal-Unjoni u internazzjonali figurattivi preċedenti ‘G’ - Raġuni relattiva għal rifjut - Assenza ta’ xebh bejn is-sinjali - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”])

(2016/C 428/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Guccio Gucci SpA (Florence, l-Italja) (rappreżentanti: P. L. Roncaglia, F. Rossi U N. Parrotta, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (rappreżentant: S. Bonne, aġent)

Parti oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali: Guess? IP Holder LP (Los Angeles, California, l-Istati Uniti) (rappreżentant: D. McFarland, barrister)

Suġġett

Rikors kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-14 ta’ Ottubru 2015 (Każ R 1703/2014-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Guccio Gucci u Guess? IP Holder.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Guccio Gucci SpA hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk l-ispejjeż sostnuti minn Guess? IP Holder LP quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea għall-Proprjetà Intellettwali (EUIPO).


(1)  ĠU C 78, 29.2.2016.


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/16


Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2016 – PAN Europe et vs Il-Kummssjoni

(Kawża T-600/15) (1)

([“Rikors għal annullament - Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti - Sustanza attiva sulfoksaflor - Inklużjoni fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 - Nuqqas ta’ interess dirett - Inammissibbiltà”])

(2016/C 428/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) (Brussell, il-Belġju), Bee Life European Beekeeping Coordination (Bee Life) (Louvain la Neuve, il-Belġju), Unione nazionale associazioni apicoltori italiani (Unaapi) (Castel San Pietro Terme, l-Italja) (rappreżentanti: B. Kloostra u A. van den Biesen, avukati)

Konvenuta: Il-Kummssjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Pignataro-Nolin, G. von Rintelen u P. Ondrůšek, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1295, tas-27 ta’ Lulju 2015, li japprova s-sustanza attiva sulfoksaflor, b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2015, L 199, p. 8).

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli

2)

Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet ta’ intervent tal-European Crop Protection Association (ECPA), ta’ Dow AgroSciences Ltd u ta’ Dow AgroSciences Iberica SA.

3)

Pesticide Action Network Europe (PAN Europe), Bee Life European Beekeeping Coordination (Bee Life) u l-Unione nazionale associazioni apicoltori italiani (Unaapi) għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

4)

PAN Europe, Bee Life, l-Unaapi, il-Kummissjoni, l-ECPA, Dow AgroSciences u Dow AgroSciences Iberica għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talbiet ta’ intervent.


(1)  ĠU C 59, 15.2.2016


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/17


Rikors ippreżentat fil-1 ta’ Settembru 2016 – IPA vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-635/16)

(2016/C 428/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: SC IPA SA (Bucharest, ir-Rumanija) (rappreżentant: L. Vasilescu, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni

Talba

tannulla n-noti ta’ debiti tat-28 ta’ Ġunju 2016, Nru 3241608864, fl-ammont ta’ EUR 63 653,58 u Nru 3241608865, fl-ammont ta’ EUR 9 690,30, maħruġa mill-konvenuta.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li l-kawża tirrigwarda l-kalkolu tal-ispejjeż indiretti marbuta mal-kuntratt li hija benefiċċjarja tiegħu. B’hekk, xi snin wara l-konklużjoni tal-kuntratt, il-Kummissjoni imponiet formula żbaljata għall-kalkolu tal-ispejjeż indiretti, fis-sens li din ma kinitx konformi mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt u kuntrarja għall-prinċipji u għall-prattiċi ġeneralment aċċettati fil-ġestjoni tal-kontabbiltà.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni bbażat il-pretenzjonijiet tagħha fuq verifika u aċċettat il-konklużjonijiet kollha tal-awditur, mingħajr ma nnotat li l-metodu tal-kalkolu tal-ispejjeż indiretti applikat mill-awdituri jikser: (i) il-prinċipji u l-prattiċi ta’ kontabbiltà u ta’ ġestjoni tal-benefiċċjarja, li huma wkoll imposti permezz tal-kuntratt u (ii) il-prinċipji u l-prattiċi ġeneralment aċċettati fil-ġestjoni tal-kontabbiltà.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-metodi tal-kalkoli tal-ispejjeż indiretti tal-kuntratt użati mill-awditur u aċċettati mill-Kummissjoni kienu inġustikabbilment differenti mis-sistema ta’ kontabbiltà tal-benefiċċjarja, meta, skont il-kuntratt, l-ispejjeż kollha kellhom jiġu ddeterminati skont il-prinċipji u l-prattiċi normali ta’ kontabbiltà u ta’ ġestjoni tal-benefiċċjarja. Is-sistema ta’ kontabbiltà tal-benefiċċjarja kienet l-unika waħda aċċettata għall-kuntratt u ma kienet teżisti l-ebda raġuni għas-sostituzzjoni jew l-iskreditar tal-proċeduri ta’ kontabbiltà tal-benefiċċjarja użati għall-kalkolu tal-ispejjeż indiretti tal-kuntratt.

Fl-aħħar, hija ssostni li, waqt il-proċedura ta’ verifika, l-awditur issottovaluta l-ispejjeż indiretti reali tal-kuntratt, u l-Kummissjoni, wara li aċċettat globalment il-konklużjoniijet tal-awditur, ħarġet noti ta’ debitu tat-28 ta’ Ġunju 2016, Nru 3241608864, fl-ammont ta’ EUR 63 653,58 u Nru 3241608865, fl-ammont ta’ EUR 9 690,30 sabiex tirkupra id-differenzi fl-ispejjeż deskritti fil-verifika.


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/18


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2016 – Malta vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-653/16)

(2016/C 428/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika ta’ Malta (rappreżentant: A. Buhagiar, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2016, mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1), dwar talba għal aċċess għal dokumenti rreġistrata bir-referenza GESTDEM 2015/5711;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-termini proċedurali previsti mir-Regolament Nru 1049/2001;

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq it-trattament żbaljat ta’ talba għal aċċess għal dokumenti bħala talba ġdida;

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-estensjoni irregolari tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba għal aċċess għal dokument fl-istadju konfermattiv;

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-inklużjoni mill-konvenuta fid-deċiżjoni kontenzjuża ta’ dokumenti għall-finijiet ta’ komunikazzjoni lil terz li l-iżvelar tagħhom jikser l-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 1224/2009 (2).


(1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, tal-20 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU 2009, L 343, p. 1).


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/19


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Settembru 2016 – Foshan Lihua Ceramic vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-654/16)

(2016/C 428/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Foshan Lihua Ceramic Co. Ltd (Foshan City, iċ-Ċina) (rappreżentanti: B. Spinoit u D. Philippe, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 2136, tal-11 ta’ Lulju 2016, li tiċħad talba għal reviżjoni interim parzjali limitata għal aspetti ta’ dumping fir-rigward tal-miżuri antidumping definittivi imposti fuq l-importazzjoni ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina permezz tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed biss ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 17(3) ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 11(3) u mal-Artikolu 11(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1).


(1)  ĠU 2009, L 34, p. 51.


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/19


Appell ippreżentat fit-23 ta’ Settembru 2016 minn Daniele Possanzini mid-digriet mogħti fit-18 ta’ Lulju 2016 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-68/15, Possanzini vs Frontex

(Kawża T-686/16 P)

(2016/C 428/22)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Daniele Possanzini (Pisa, l-Italja) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Agenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-18 ta’ Lulju 2016 li jiċħad ir-rikors tiegħu;

tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-parti l-oħra fil-proċedura għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka żewġ aggravji.

1.

L-ewwel aggravju, maqsum f’żewġ partijiet, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(4), (5) u (6) tad-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Agenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“Frontex”) tas-27 ta’ Awwissu 2009 li tistabbilixxi l-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-persunal (“deċiżjoni tas-27 ta’ Awwissu 2009”), interpretat fid-dawl tal-Artikolu 41(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

L-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi mwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta ma eżaminax il-motiv, invokat mir-rikorrent fl-ewwel istanza, dwar l-assenza ta’ djalogu minn qabel bejn il-validatur u l-evalwatur.

It-tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi li bih huwa vvizzjat id-digriet appellat billi ma ġietx eżaminata ex officio l-azzenza ta’ djalogu minn qabel bejn il-validatur u l-evalwatur.

2.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Awwissu 2009 billi ma tteħditx inkunsiderazzjoni d-distinzjoni tar-rwoli bejn l-evalwatur u l-validatur hekk kif stabbilita fi ħdan Frontex.


21.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/20


Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Ottubru 2016 – Fair deal for expats et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-713/16)

(2016/C 428/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Fair deal for expats (Lauzun, Franza) u 8 oħra (rappreżentati minn: R. Croft, L. Nelson, E. Hazzan, Solicitors, P. Green, H. Warwick, M. Gregoire, Barristers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewoprea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li l-istruzzjonijiet mogħtija mill-President tal-Kummissjoni Ewropea kkomunikati b’mod elettroniku permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ġunju 2016 lill-membri tal-kulleġġ tal-Kummissarji tal-UE, u msemmija fid-diskors mogħti mill-President Juncker fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Brussell fit-28 ta’ Ġunju 2016 (SPEECH/16/2356), li jipprojbixxu lill-Kummissjoni kwalunkwe negozjati, formali jew informali, mal-Gvern tar-Renju Unit qabel ma dan tal-aħħar jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 TUE, minn naħa, u d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi li huwa ta l-istruzzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq lill-membri tal-kulleġġ tal-Kummissarji tal-UE permezz ta’ “ordni presidenzjali” hekk kif huwa espressament indika fid-diskors tiegħu fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Brussell fit-28 ta’ Ġunju 2016 u hekk kif jirriżulta mill-istqarriji għall-istampa tal-Kummissjoni Ewropea bl-Inliż u bil-Franċiż li jittraskrivu dan id-diskors (SPEECH/16/2353), min-naħa l-oħra, huma nulli skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 264(1) TFUE; u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri kkontestati ma għandhom bażi legali, jew bażi legali xierqa.

Ir-rikorrenti jsostnu li:

ebda bażi legali ma tawtorizza lill-Kummissjoni tirrifjuta li tidħol f’diskussjoni mal-Gvern tar-Renju Unit u persuni oħrajn wara r-riżultat tar-referendum mhux vinkolanti li seħħ fir-Renju Unit sakemm tingħata notifika skont l-Artikolu 50 TUE;

il-miżuri kkontestati ma huma bbażati fuq ebda element oġġettiv, u wieħed jista’ jiddeduċi b’mod raġonevoli li huma bbażati fuq l-opinjonijiet personali tal-awtur tagħhom;

il-miżuri kkontestati ġew adottati b’mod li jikkostitwixxi abbuż ta’ poter peress li t-tħabbir tagħhom fid-diskors bħala “ordni presidenzjali” qarraq bil-Parlament Ewropew, bil-persunal u l-aġenti tal-Kummissjoni u ta’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, il-Gvernijiet tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tal-UE.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri kkontestati huma diskriminatorji fil-konfront tar-Renju Unit u taċ-ċittadini tiegħu minħabba n-nazzjonalità, bi ksur tal-Artikolu18 TFUE.

Ir-rikorrenti jsostnu li:

il-miżuri kkontestati għandhom l-għan li jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tinnegozja mar-rappreżentanti tar-Renju Unit;

ir-Renju Unit, iċ-ċittadini tiegħu u r-rikorrenti b’mod partikolari jinsabu, minħabba f’hekk, f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ sostanzjali;

il-miżuri kkontestati jimponu żvantaġġ addizzjonali fuq ir-rikorrenti fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluż għal dak li jikkonċerna l-moviment liberu;

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri kkontestati jippreġudikaw id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti taħt id-dritt tal-UE.

Ir-rikorrenti jsostnu li:

il-miżuri kkontestati jmorru kontra d-drittijiet li r-rikorrenti għandhom taħt l-Artikolu 20(1) TFUE, kif ukoll id-dritt tagħhom għal moviment liberu taħt l-Artikolu 20(2)(a), l-Artikolu 21(1) u l-Artikoli 45 u 49 TFUE, kif ukoll taħt id-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni (1);

il-miżuri kkontestati jmorru kontra d-drittijiet li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tiggarantixxi lir-rikorrenti.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri kkontestati ġew adottati bi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

Ir-rikorrenti jsostnu li l-miżuri kkontestati jipprojbixxu espressament lill-Kummissjoni u lill-persunal tagħha milli jikkonformaw ruħhom mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali billi jassisstu lir-Renju Unit u istituzzjonijiet oħra tal-UE sabiex jitwettqu kompiti li jirriżultaw mit-Trattati.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri kkontestati huma illegali sa fejn ġew adottati totalment jew parzjalment bl-għan li jiskoraġġixxu liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-UE milli jesprimu liberament l-opinjonijiet tagħhom (għal dak li jikkonċerna l-isħubija mal-Unjoni Ewropea) minkejja li dan id-dritt huwa protett mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni.


(1)  Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).