ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 264

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
20 ta' Lulju 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

il-516 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-27 u t-28 ta' April 2016

2016/C 264/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

1

2016/C 264/02

Opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza dwar Mobilità iżjed ġusta tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE (Opinjoni esploratorja)

11

2016/C 264/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-integrazzjoni tar-refuġjati fl-UE (Opinjoni esploratorja)

19

2016/C 264/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE

28


 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

il-516 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-27 u t-28 ta' April 2016

2016/C 264/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Green Paper dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur — Prodotti aħjar, aktar għażla u opportunitajiet akbar għall-konsumaturi u għan-negozji (COM(2015) 630 final)

35

2016/C 264/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Għal qafas aktar modern u Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur [COM(2015) 626 final]

51

2016/C 264/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali [COM(2015) 634 final – 2015/0287 (COD)] u dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jirrigwardaw il-kuntratti għall-bejgħ onlajn u bejgħ mill-bogħod ieħor ta’ oġġetti [COM(2015) 635 final – 2015/0288 (COD)]

57

2016/C 264/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-regoli dwar l-Akkwist Pubbliku b’rabta mal-kriżi attwali tal-ażil [COM(2015) 454 final]

73

2016/C 264/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi [COM(2015) 750 final — 2015/0269 (COD)]

77

2016/C 264/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (kodifikazzjoni) (COM(2015) 616 final — 2015/0283 (COD))

82

2016/C 264/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fis-suq intern (COM(2015) 627 final — 2015/0284 (COD))

86

2016/C 264/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għan-negozjanti tal-komoditajiet [COM(2015) 648 final — 2015/0295 (COD)]

91

2016/C 264/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (COM(2016) 25 final — 2016/0010 (CNS)) u Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (COM(2016) 26 final — 2016/0011 (CNS))

93

2016/C 264/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-għeluq taċ-ċirku — Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari — (COM(2015) 614 final), Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ — (COM(2015) 596 final — 2015/0276 (COD)), Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart — (COM(2015) 595 final — 2015/0275 (COD)), Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma — (COM(2015) 594 final — 2015/0274 (COD), u dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku — (COM(2015) 593 final — 2015/0272 (COD))

98

2016/C 264/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess ta’ prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta’ pajjiżi terzi [COM(2016) 34 final – 2012/0060 (COD)]

110

2016/C 264/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2015 (COM(2015) 572 final)

117

2016/C 264/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Kummerċ għal kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment (COM(2015) 497 final)

123

2016/C 264/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi [COM(2016) 71 final – 2016/43 NLE]

134


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

il-516 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-27 u t-28 ta' April 2016

20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 264/01)

Relatur:

is-Sur José María ZUFIAUR NARVAIZA

Nhar il-21 ta’ Jannar 2016, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tat-28 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’190 vot favur, 10 voti kontra u 50 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jaqbel li hemm bżonn li tiġi riveduta l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà (SES) attwali tal-2003, biex jiġi indirizzat kuntest internazzjonali li nbidel sostanzjalment. Bħala korp konsultattiv tal-istituzzjonijiet Ewropej u rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata, iqis li huwa vitali li jiġi kkonsultat fil-proċess tat-tfassil tal-istrateġija l-ġdida, kif ukoll li s-soċjetà ċivili tiġi involuta b’mod strutturat fil-proċess. Fil-fehma tal-KESE, ikun meħtieġ li jitwettqu reviżjonijiet tal-istrateġija globali f’perjodi qosra ta’ żmien. Pereżempju, kull ħames snin, li jaħbtu mal-mandati tal-Parlament u tal-Kummissjoni.

1.2

L-UE qed tiffaċċja kriżijiet li l-karatteristiċi prinċipali tagħhom huma d-diżintegrazzjoni soċjali, l-interdipendenza, id-dgħjufija istituzzjonali u n-natura globali tal-inugwaljanza. Issa dħalna fl-era fejn l-esklużjoni soċjali hija fattur ewlieni ta’ kunflitti, li għalihom l-intervent militari mhuwiex biżżejjed.

1.3

L-akbar ċaqliq fil-kompetizzjoni ġeopolitika u ġeoekonomika u l-persistenza ta’ xi setgħat mondjali li jaqsmu d-dinja f’żoni ta’ influwenza għandhom effett fuq il-mudell strateġiku Ewropew, ibbażat fuq il-kooperazzjoni u l-kundizzjonalità pożittiva, li jitlob li din tiġi adattata.

1.4

Fil-fehma tal-KESE, f’ xenarju internazzjonali tant kumpless, l-Ewropej ser ikunu kapaċi jiddefendu l-valuri u l-interessi tagħhom permezz ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-għanijiet, il-politiki u r-riżorsi. Il-politika estera Ewropea tibda lokalment, peress li r-rabta bejn il-politika interna u estera ma tistax tinfired.

1.5

Iċ-ċittadini Ewropej ser jersqu ‘l bogħod mis-sens attwali ta’ aljenazzjoni u jimpenjaw ruħhom mal-UE jekk l-UE tibdel id-direzzjoni u tpoġġi lilha nnifisha bħala promotur tal-libertà, is-sigurtà u l-prosperità — li tiddefendi l-ugwaljanza — fl-Ewropa u fil-bqija tad-dinja.

1.6

Huwa essenzjali li tiżdied l-integrazzjoni politika Ewropea fit-triq lejn is-sovranità f’dinja globalizzata, li jittieħdu deċiżjonijiet biex jqajmu mill-ġdid l-entużjażmu għall-proġett Ewropew, għal kuntratt soċjali mġedded u biex nindirizzaw id-defiċit demokratiku.

1.7

Il-politika etera u l-politika Ewropea tas-sigurtà u d-difiża, li għandu jkollhom aktar mezzi disponibbli, jeħtieġu l-użu ta’ metodi ta’ ħidma aktar flessibbli waqt li jkunu wkoll aktar ikkoordinati, bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej.

1.8

Id-difiża tal-UE titlob koordinazzjoni akbar u ppjanar komuni, bil-ħsieb li nimxu lejn Unjoni Ewropea tad-Difiża. Għal dan il-għan, jinħtieġu iżjed fondi u l-iżvilupp tal-industrija tad-difiża Ewropea, filwaqt li jiġi evitat infiq doppju permezz ta’ strumenti li jiffavorixxu l-akkomunament (pooling) u l-kondiviżjoni. F’dan il-kuntest ukoll, huwa fundamentali li jkun hemm governanza aħjar u struttura istituzzjonali konsistenti, kif ukoll għandhom jitħeġġu proġetti konġunti fuq skala wiesgħa. Dan kollu huwa mingħajr ħsara għar-relazzjoni trans-Atlantika u l-kooperazzjoni mill-qrib mas-sħubijiet u l-korpi li jagħmlu parti minnhom il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, bħan-NATO.

1.9

Skont il-KESE, il-prijoritajiet tal-istrateġija globali l-ġdida għandhom ikunu dawn li ġejjin: a) it-tisħiħ tal-proċess tal-adeżjoni tal-pajjiżi kandidati, partikolarment il-Balkani tal-Punent u l-istabilizzazzjoni tal-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, inkluż permezz tar-rispons għall-flussi migratorji u tar-refuġjati, b) it-trawwim ta’ politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni mibnija fuq bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB) robusta u definita aktar tajjeb; c) it-tisħiħ ta’ sistema multilaterali effettiva u riformata għas-sigurtà u l-governanza soċjo-ekonomika u tal-iżvilupp u d) il-promozzjoni tal-kummerċ u l-iżvilupp. F’dawn il-prijoritajiet għandhom jiġu inkorporati żewġ dimensjonijiet trasversali: l-iżvilupp sostenibbli f’kuntest wiesa’ u t-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.10

Bid-diplomazija preventiva u multilaterali tradizzjonali, l-UE għandha tkun forza kostruttiva u regolatorja li tippromovi governanza inklużiva, impenjata li tinvolvi l-ekonomiji emerġenti f’istituzzjonijiet multilaterali.

1.11

L-UE, li tnediet sabiex tikkonsolida l-paċi fl-Ewropa, għandu jkollha bħala għan essenzjali fl-istrateġija globali tagħha ż-żamma u l-promozzjoni tal-paċi. Għal dan huma fundamentali l-politiki tas-sigurtà u tad-difiża, l-azzjoni diplomatika u r-rwol tas-soċjetà ċivili.

1.12

B’rabta mal-kriżi tar-refuġjati, il-KESE jqis li huwa vitali li l-UE tadotta politika ta’ refuġju, asil u immigrazzjoni komuni mwettqa minn istituzzjoni Ewropea, li tiżgura li l-Istati Ewropea jindirizzaw ir-responsabbiltajiet tagħhom b’mod konġunt, proporzjonali u solidali.

1.13

Skont il-KESE, għandhom isiru bidliet fis-sistema għall-għoti ta’ fondi Ewropej għall-iżvilupp sabiex isiru aktar flessibbli, versatili u adattati għaċ-ċirkostanzi speċifiċi.

1.14

Il-firxa ta’ ftehimiet kbar kummerċjali li attwalment qegħdin jiġu nnegozjati jew ratifikati qegħdin jiksbu, lil hinn mill-aspetti kummerċjali attwali tagħhom, dimensjoni ġeopolitika innegozjabbli. L-indirizzar tal-impatt ġeopolitiku ta’ dan it-tip ta’ ftehimiet, it-tisħiħ tar-relazzjonijiet multilaterali u l-evitar ta’ tensjonijiet bejn il-blokki kummerċjali ser ikunu element ewlieni tal-istrateġija globali futura tal-UE. U, sa fejn dawn il-ftehimiet jaffettwaw il-mod ta’ ħajja tal-persuni, huwa essenzjali, fil-fehma tal-KESE, li jiġu sodisfati t-talbiet u t-tħassib tas-soċjetà ċivili u tal-pubbliku ġenerali f’dan ir-rigward.

1.15

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jissaħħu s-soċjetà ċivili u l-attivitajiet tagħha, kif ukoll ir-rabtiet paralleli għall-attività diplomatika sabiex tiġi implimentata l-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE. Konsegwentement, il-KESE jirrakkomanda li fil-PESK jiddaħħal, b’mod espliċitu, dan il-komponent fost l-għanijiet prijoritarji tagħha.

1.16

Aħna nemmnu li l-KESE, bħala korp konsultattiv tal-istituzzjonijiet Ewropej u rappreżentant tal-organizzazzjonijiet il-kbar kollha tas-soċjetà ċivili organizzata tal-Istati Membri, huwa dak li huwa fl-aħjar pożizzjoni biex ikun kontroparti essenzjali għall-istituzzjonijiet tal-UE involuti fil-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE, b’mod partikolari s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni Ewropea.

1.17

Għal dan il-għan, il-KESE jipproponi li dawn il-prijoritajiet jiġu esplorati flimkien u b’tali mod li jifformalizzaw kooperazzjoni bejn is-SEAE u l-KESE.

1.18

Il-KESE joffri li jgħin lis-SEAE sabiex iwettaq rapport ta’ evalwazzjoni dwar il-parteċipazzjoni attwali tas-soċjetà ċivili fil-qasam tal-politika barranija Ewropea.

1.19

Fil-KESE nipproponu l-organizzazzjoni ta’ seduta annwali dwar il-politika estera u ta’ sigurtà bil-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet Ewropej prinċipali tas-soċjetà ċivili u bil-preżenza tar-Rappreżentant Għoli.

2.   Kuntest ġdid għall-azzjoni esterna tal-UE

2.1

Il-KESE jinnota li hemm bżonn ta’ strateġija li tkopri l-istrumenti kollha tal-azzjoni esterna tal-UE, inklużi dawk tas-sigurtà u d-difiża, f’qafas ġenerali koerenti u aġġornat. Għalhekk, huma neċessarji bidliet fl-objettivi, fil-prijoritajiet, fl-interessi u l-istrumenti tal-azzjoni esterna Ewropea, b’perspettiva integrali li tmur lil hinn mill-approċċi parzjali u r-reżistenza mill-istat u li ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-flessibbiltà (1)  (2).

2.2

Minkejja l-progress soċjali kbir li sar fl-aspetti differenti stabbiliti fl-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, fenomeni oħra bħat-tnaqqis tis-saħħa tal-Punent, il-konsolidazzjoni tas-setgħat ġodda emerġenti, l-impatt dejjem jikber tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, it-tendenzi demografiċi u inugwaljanza ikbar qed juru kuntest ġeopolitiku globali aktar kumpless, li fih il-progress f’mudell ibbażat fuq regoli u valuri tas-soċjetajiet miftuħa isib reżistenza ikbar. Dan huwa veru fil-każ ta’ istituzzjonijiet multilaterali li mhumiex adattati għal dinja multipolari ġdida. Bħala riżultat ta’ dan, l-istandards internazzjonali qed jonqsu filwaqt li r-rilevanza tal-ġeopolitika tieħu dimensjoni ġdida. Permezz ta’ numru ikbar ta’ atturi, inklużi dawk mhux statali u l-kumpaniji sovranazzjonali, u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jfixklu, li jagħmilha diffiċli li tiġi stabbilita aġenda strateġika u l-ġestjoni f’ambjenti kumplessi.

2.3

It-theddid li qed tiffaċċja l-UE huwa: il-ġestjoni tal-flussi migratorji, is-sigurtà tal-kontinent kontra t-theddid terroristiku, u l-iskoraġġiment ta’ aggressjoni militari ċibernetika kontra l-Istati Membri tal-UE. L-isfidi, it-theddid u l-perikli l-oħra issa huma essenzjalment globali: it-tibdil fil-klima, il-kriżi finanzjarja u ekonomika, l-evażjoni tat-taxxa, il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, il-pandemiji, il-kriżijiet umanitarji, eċċ. L-Unjoni għandha rwol x’taqdi f’dan kollu. Il-PESK għandha tinbidel f’għodda effettiva, iktar milli hija llum, biex tiddefendi l-interessi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, u dan huwa essenzjali sabiex ikunu involuti ħafna aktar fil-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE. Kif indikat mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President “Neħtieġu strateġija biex nipproteġu b’mod proattiv l-interessi tagħna, filwaqt li nżommu f’moħħna li l-promozzjoni tal-valuri tagħna hija parti integrali l-interessi tagħna”.

2.4

Hemm żewġ bidliet strutturali li, sostanzjalment, saru fl-Istrateġija tal-2003:

2.4.1

L-ewwel nett qed niffaċċjaw kriżijiet li l-karatteristiċi prinċipali tagħhom huma d-diżintegrazzjoni soċjali, l-interdipendenza, id-dgħjufija istituzzjonali u n-natura globali tal-inugwaljanza. Illum, il-globalizzazzjoni timplika prossimità, viżibbiltà u densità tal-popolazzjoni. L-inugwaljanza saret parametru globali. Din l-intensità tal-kuntrasti soċjali hija l-bażi taċ-ċaqliq tal-massa. Din id-dinja dejjem aktar maqgħuda u estremament inugwali hija sors ta’ instabbiltà u nuqqas ta’ sigurtà. Issa dħalna fl-era tal-kunflitti minħabba l-esklużjoni soċjali, li għalihom l-intervent militari mhuwiex biżżejjed. Aħna qed niffaċċjaw kwistjoni soċjali globali li jeħtieġ li tiġi analizzata u li jkun hemm rispons għaliha, kif sar fis-sekli XIX u XX fil-pajjiżi nazzjonali Ewropej. Dan sar ukoll fl-ambitu internazzjonali, permezz tad-Dikjarazzjoni pijuniera ta’ Philadelphia, 1944. Għal din ir-raġuni ser ikunu meħtieġa politiki regolatorji, ta’ solidarjetà u ta’ kooperazzjoni.

2.4.2

It-tieni waħda hija li l-kompetenza ġeopolitika jerġa’ jkollha aktar saħħa, u mhux biss fil-viċinat Ewropew. L-ambjent ġeografiku tagħna jikkundizzjonana. Il-kunflitti fl-Ukraina, is-Sirja, l-Iraq, il-Libja u s-Sahel, pereżempju, jolqtuna direttament f’termini kummerċjali, fit-terroriżmu ġiħadista, fil-provvista tal-enerġija jew fil-moviment ta’ refuġjati jew migranti. Dan għandu impatt fuq il-mudell strateġiku Ewropew, ibbażat fuq il-kooperazzjoni u l-kundizzjonalità pożittiva.

2.4.3

L-affirmazzjoni tal-Istrateġija attwalment fis-seħħ tibqa’ valida: “L-aħjar protezzjoni għas-sigurtà tagħna hija dinja ta’ pajjiżi demokratiċi ggvernati tajjeb”. Madankollu, din l-istrateġija ħarġet fid-dieher xi nuqqasijiet: 1) b’mod ġenerali dan il-kunċett ma tax ir-riżultati mixtieqa, ħlief f’xi każijiet marbuta mill-qrib mal-proċessi ta’ adeżjoni fl-UE; 2) jeżistu narrattivi oħra, abbażi ta’ qari speċifiku tar-reliġjon, bħall-awtodikjarat Istat Iżlamiku, jew ta’ ċertu nazzjonaliżmu awtoritarju, bħall-każ tar-Russja u ċ-Ċina (potenzi kbar li jinfluwenzaw direttament il-viċinat usa’ tal-UE), li għandhom kunċett tal-ġeopolitika bbażat fuq iż-żoni ta’ influwenza; 3) id-diversità bejn il-pajjiżi li magħhom l-UE ppruvat tistabbilixxi assoċjazzjonijiet ta’ spiss ma tqisitx; 4) b’mod frekwenti kien hemm inkonsistenza bejn id-diskors tal-UE u l-politiki prattiki mwettqa; 5) ma tqisx biżżejjed li d-demokrazija u l-istat tad-dritt ma jistgħux jiġu imposti minn barra, iżda jridu jiġu żviluppati minn ġewwa.

2.5

Waqt li tiddefendi l-prinċipji u l-valuri universali tagħha, l-UE hija mitluba tadatta l-istrateġija tagħha sabiex tippromovihom b’mod aktar effettiv, permezz ta’ dak li s-SEAE sejjaħ bħala “idealiżmu prammatiku”.

3.   Il-politika estera tibda fil-livell nazzjonali

3.1

Huwa universalment aċċettat li l-politika estera hija estensjoni tal-politika interna. Huwa għalhekk li, sabiex ikunu effettivi, għandhom jilħqu l-istess għanijiet, għandhom ikunu integrati, koordinati u mhux mifruxa fl-aspetti ċentrali u komuni tagħhom. Fil-fehma tal-KESE, iż-żewġ pilastri ewlenin ta’ strateġija globali tal-politika estera tal-UE jinbnew internament.

3.1.1

L-ewwel wieħed huwa l-element bażiku tal-faxxinu tal-UE fid-dinja: il-mod ta’ ħajja tagħha, ibbażat fuq il-libertà u d-drittijiet tal-bniedem u fuq il-koeżjoni soċjali tal-popolazzjoni kollha. Ma jidhirx realistiku li wieħed jaħseb f’politika estera aktar strutturata, kondiviża u effettiva tal-UE mingħajr ma jitneħħew id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn il-membri tagħha, id-dgħufija tal-mudell soċjali tagħha, is-sintomi ta’ nuqqas ta’ solidarjetà u nuqqas ta’ fiduċja, l-irtirar lejn spazji nazzjonali, id-diffikultajiet sabiex jittieħdu deċiżjonijiet komuni, l-iskuntentizza dejjem tiżdied taċ-ċittadini jew it-tkabbir tal-movimenti populisti, ksenofobiċi u Ewrofobiċi. Huwa essenzjali li tiżdied l-integrazzjoni politika Ewropea, probabbilment permezz tal-użu tal-kooperazzjoni msaħħa li jipprovdu t-Trattati, sabiex jaspiraw għas-sovranità f’dinja globalizzata, jittieħdu deċiżjonijiet li jerġgħu joħolqu l-entużjażmu għall-proġett Ewropew, permezz ta’ kuntratt soċjali rinnovat u sabiex it-teħid ta’ deċiżjonijiet u d-demokrazija jitqiegħdu fuq l-istess livell.

3.1.2

It-tieni pilastru jirreferi għal integrazzjoni Ewropea akbar u għall-ħolqien ta’ politiki u strumenti komuni ta’ azzjoni f’oqma bħall-flussi tal-migrazzjoni, il-provvista tal-enerġija, it-tibdil fil-klima, it-terroriżmu internazzjonali, is-sigurtà tal-ikel, il-politika kummerċjali, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, pjan Ewropew effettiv ta’ investiment u ta’ ħolqien ta’ impjiegi, dimensjoni soċjali Ewropea, l-ikkompletar tas-suq intern. Iċ-ċittadini Ewropej ser jersqu ‘l bogħod mis-sens attwali ta’ aljenazzjoni u jimpenjaw ruħhom mal-UE jekk l-UE tibdel id-direzzjoni u tpoġġi lilha nnifisha bħala promotur tal-libertà, is-sigurtà u l-prosperità — li tiddefendi l-ugwaljanza — fl-Ewropa u fil-bqija tad-dinja.

3.2

Fl-opinjoni tal-KESE, it-tlestija tas-suq uniku Ewropew — il-politika industrijali, is-sistema finanzjarja, il-politiki dwar it-telekomunikazzjoni u t-trasport, it-teknoloġiji diġitali, l-industriji tad-difiża — hija prijorità għall-UE. Barra minn hekk, il-politika estera għandha tindirizza għadd dejjem jikber ta’ suġġetti relatati mal-politiki tal-UE fil-qasam soċjali, ambjentali, tal-enerġija, diġitali, ekonomiku, industrijali jew tat-trasport, fost oħrajn. Bl-istess mod, għandna bżonn noħolqu viżjoni fit-tul fejn il-politika ekonomika estera hija pilastru ċentrali sabiex jiġu promossi l-kummerċ u l-investiment. Barra minn hekk, huwa urġenti ħafna li jkun hemm politika komuni tal-enerġija kif ukoll politika komuni dwar il-migrazzjoni u l-ażil.

3.3

Fid-dawl tal-konfigurazzjoni ġeostrateġika dinjija, l-UE m’għandhiex għażla oħra ħlief li tiżviluppa l-kapaċitajiet tagħha fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Inevitabbilment dan jeħtieġ politika esterna iktar integrata — l-Istati Membri qed ikunu dejjem inqas rilevanti fil-livell dinji u azzjoni konġunta timplika benefiċċji għal kulħadd — u jimplika li jingħata aktar spazju għall-politika Ewropea tad-difiża. Dan kollu jissoponi kunċett aktar wiesa’ tas-sigurtà u d-difiża milli sempliċement l-użu tal-forza. Dan kollu jafferma wkoll li kwalunkwe politika tad-difiża qiegħda hemm biex tintuża b’mod preventiv, u li għandha, barra minn hekk, funzjoni dissważiva iżda li teżisti wkoll biex tkun strument tal-aħħar għażla, meta l-interessi kruċjali u r-responsabbiltà ta’ protezzjoni ma jkunux jistgħu jiġu difiżi b’mod ieħor. Dan jitlob użu ikbar u aħjar tar-riżorsi. Minkejja li għandha 28 struttura militari differenti, l-UE tonfoq 40 % ta’ dak li jonfqu l-Istati Uniti fid-difiża nazzjonali. Ma’ dan jeħtieġ li nżidu d-dupplikazzjonijiet sostanzjali u l-iżvilupp dgħajjef tal-industrija tad-difiża, fost kwistjonijiet oħra, li jeħtieġu aktar riżorsi finanzjarji u għodod komuni għall-ippjanar u l-monitoraġġ. Jeħtieġ li l-gvernijiet u ċ-ċittadini tal-UE jkunu konxji tal-fatt li s-sigurtà, il-prosperità u l-libertà huma inseparabbli. Madankollu, żieda fl-awtonomija strateġika tal-UE mil-lat tad-difiża la għandha tkun inkompatibbli u lanqas tmur kontra r-relazzjoni trans-Atlantika u kooperattiva mas-sħubijiet u l-korpi li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE jagħmlu parti minnhom, b’mod partikolari n-NATO, li tibqa’ l-pedament tad-difiża kollettiva tagħhom.

3.4

Il-politika Ewropea tad-difiża jeħtieġ li tikkonċentra fuq żewġ oqsma fundamentali: 1) Il-ġeopolitika attwali titlob li l-UE, bħala entità li tipprovdi s-sigurtà barra mill-fruntieri tagħha, jeħtieġ li tkun ċentrali fil-viċinat usa’, kif ukoll fl-appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u fil-kontribut għall-iżvilupp tal-pajjiżi ġirien; 2) Jeħtieġ li tikkontribwixxi għal-libertà tal-aċċess għall-beni pubbliċi dinjija u għal ordni internazzjonali bbażat fuq l-istat tad-dritt.

3.5

L-industrija tad-difiża tal-UE għandha taqdi rwol importanti biex tikseb l-awtonomija strateġika tal-Unjoni Ewropea. Il-kompetittività hija valur li jmur ferm lil hinn mill-interessi tas-settur privat. Hemm bżonn li tissupera l-frammentazzjoni tagħha; is-suċċess ta’ dan il-proċess huwa marbut mill-qrib mal-implimentazzjoni ta’ xi għodod ewlenin, bħalma huma l-implimentazzjoni ta’ proġetti kollaborattivi, l-allokazzjoni tal-fondi adegwati għall-Azzjoni Preparatorja (3) li jmiss u l-ħolqien ta’ linja baġitarja speċifika fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

3.6

L-idea li l-istabbiltà tal-viċinat reali tagħna — il-ġirien tagħna u l-ġirien tal-ġirien — hija indispensabbli għall-istabbiltà proprja tagħna tapplika b’mod dirett ħafna għat-theddida terroristika mill-hekk imsejjaħ Stat Islamiku. Dan ifisser, pereżempju, li hija r-responsabbiltà diretta tal-UE li tgħin sabiex tinstab soluzzjoni politika għall-gwerra fis-Sirja, peress li dan jimplika li tittieħed azzjoni dwar waħda mill-kawżi tal-problema. Dan jimplika wkoll li jittejbu l-attivitajiet tal-koordinazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-intelligence. Huwa importanti ferm li jiżdied l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri, flimkien mal-ħolqien ta’ servizz Ewropew tal-intelligence. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi żviluppata strateġija dinjija kontra t-terroriżmu li tanalizza l-kawżi tiegħu, li timpedixxi konfrontazzjoni bejn il-fehmiet reliġjużi u li, għall-kuntrarju, tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn komunitajiet bi twemmin differenti fil-ġlieda kontra l-fanatiżmu terroristiku. Huwa partikolarment importanti li tiġi appoġġjata d-dinja Għarbija u Islamika (li l-iżjed li ntlaqtet mill-attakki tal-hekk imsejjaħ Stat Islamiku, li huwa isem żbaljat) sabiex tirreaġixxi għal din it-theddida minn ġewwa. Bl-istess mod, it-teħid ta’ azzjoni kontra l-bejgħ u t-traffiku tal-armi jew is-sorsi tal-fondi għandu jagħmel parti minn strateġija Ewropea kontra l-azzjoni terroristika. Ir-relazzjonijiet bejn is-soċjetà ċivili u l-viċinat usa’ jistgħu jaqdu rwol pożittiv f’din il-ħidma.

3.7

Għandha tiżdied il-flessibbiltà tal-azzjoni esterna. Livell ikbar ta’ flessibbiltà m’għandux iwassal għal frammentazzjoni, iżda għandu jintlaħaq billi jsir użu sħiħ tal-istrumenti pprovduti mit-TUE u mit-TFUE. Għalhekk huwa wkoll meħtieġ li tiżdied l-astensjoni kostruttiva tal-Istati Membri fil-Kunsill fil-kuntest tal-PESK u l-PSDK. F’dan il-kuntest, fir-rigward tat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, il-KESE jirreferi mill-ġdid għall-ħtieġa li jinżammu ċerti valuri relatati mal-politika estera, b’mod partikolari r-rispett għall-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Madankollu, meta fil-qafas tal-istrumenti eżistenti ma tistax tinstab soluzzjoni sodisfaċenti, ser ikun hemm bżonn li jiġu stabbiliti gruppi ad hoc bl-involviment tar-Rappreżentant Għoli jew, fin-nuqqas tiegħu, korpi oħra tal-istituzzjonijiet Ewropej, sabiex il-possibbiltajiet tal-Unjoni fil-politika estera ma jiġux paralizzati mill-prinċipju tal-unanimità. In-Network Diplomatiku Ekoloġiku (NDE), stabbilit inizjalment biex jippromovi l-integrazzjoni tal-għanijiet ambjentali fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u li kellu rwol importanti biex jimmobilizza u jikkoordina azzjonijiet diplomatiċi tal-UE qabel il-COP21, jista’ jservi bħala mudell għal netwerks oħra.

3.8

L-UE m’għandhiex għalfejn tistenna l-kriżi li jmiss biex takkwista aktar mezzi fil-politika estera. Il-mezzi għandhom ikunu jaqblu mal-objettivi u ma jvarjawx b’mod sostanzjali skont is-sitwazzjoni. Ippjanar xieraq għandu jidentifika l-oqsma li fihom l-Unjoni ma għandhiex biżżejjed fondi. B’dan il-mod, tiġi evitata l-azzjoni reattiva li, quddiem kriżijiet differenti, ikkaratterizzat lill-UE f’dawn l-aħħar snin. Huwa meħtieġ li jiżdied il-baġit tal-UE allokat għall-azzjoni esterna, speċjalment fl-ambitu umanitarju, migratorju, tal-iżvilupp, tal-edukazzjoni, kontra t-terroriżmu u diplomatiku, kif ukoll it-tisħiħ tas-soċjetà ċivili organizzata.

4.   Nerġgħu nikkunsidraw r-rwol tal-UE fid-dinja

4.1

Il-KESE jemmen li l-istrateġija l-ġdida tinvolvi reviżjoni tal-analiżi mwettqa mill-UE fil-kuntest internazzjonali u r-rwol li beħsiebha jkollha fil-futur. Hu importanti ħafna li jinstabu narrattivi ġodda bbażati fuq l-involviment attiv fl-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini fir-rigward tas-sigurtà, il-libertà u l-prosperità, u huwa importanti li jiġu enfasizzati s-saħħiet li għandha l-UE. Fost dawn insibu l-fatt li hija l-ikbar suq intern fid-dinja, politika tal-kummerċ attiva, il-politika ta’ kooperazzjoni u ta’ għajnuna umanitarja l-aktar b’saħħitha fid-dinja, mod ta’ ħajja bbażat fuq ir-rispett għall-Istat tad-Dritt u l-prinċipji demokratiċi, mudell soċjali bbażat fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali, id-difiża ta’ mudell ta’ żvilupp sostenibbli bbażat fuq il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u l-protezzjoni ambjentali, inklużi objettivi tal-klima b’saħħithom.

4.2

Tradizzjonalment, in-nuqqas ta’ koeżjoni interna u r-rieda politika llimitaw ir-rwol tal-UE fid-dinja. L-Unjoni ma taspirax li tkun superpotenza iżda li tipproġetti l-poter tagħha b’mod aktar effiċjenti. Għalhekk għandha tiffoka fuq oqsma fejn l-azzjoni tagħha ġġib valur miżjud u jista’ jkollha impatt aktar sinifikanti, speċjalment fl-ambjent tagħhom u fl-istituzzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti, l-FMI, il-Bank Dinji u l-G-20, fejn il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri hija skarska, u dan jillimita l-kapaċità tagħha li tinfluwenza. Il-KESE jilqa’, f’dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni ta’ Ottubru 2015, favur rappreżentanza unifikata taż-żona tal-euro fl-FMI u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.

4.3

L-UE għandha tkompli d-diplomazija preventiva u multilaterali tradizzjonali tagħha, u taspira li tkun setgħa normattiva u kostruttiva. Id-difiża ta’ ordni globali miftuħ u bbażat fuq standards hija karatteristika bażika tal-identità tal-Unjoni fix-xena internazzjonali. Bħala qawwa kummerċjali ewlenija, l-UE tibbenefika minn dinja konnessa kemm fl-ambitu enerġetiku, finanzjarju, taċ-ċiberspazju jew tal-passaġġi marittimi (madwar 90 % tal-kummerċ estern tal-UE huwa marittimu). Is-sikurezza nukleari u s-sigurtà fl-enerġija għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tal-attenzjoni.

4.4

Din għandha tkompli wkoll bil-kooperazzjoni mad-diversi proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali bħal ECOWAS, ASEAN jew Mercosur.

4.5

L-UE għandha ssaħħaħ governanza demokratika u inklużiva, tippromovi l-parteċipazzjoni tal-ekonomiji emerġenti fl-istituzzjonijiet multilaterali, sabiex ittaffi t-tensjonijiet b’mod paċifiku, u tiskoraġġixxi l-ħolqien ta’ mekkaniżmi ta’ governanza alternattivi u ostili li jidħlu f’kompetizzjoni ma’ dawk eżistenti.

4.6

L-UE għandha żżomm il-valuri u l-prinċipji tagħha, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-piena tal-mewt u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’identitajiet sesswali differenti (LGBTI). B’dan il-mod għandha tibbaża l-politika estera u ta’ sigurtà tagħha fuq il-mudell soċjali li jikkaratterizzaha u li huwa l-pedament tas-sigurtà, il-libertà u l-prosperità tagħha.

5.   Involviment ikbar fil-viċinat estiż

5.1

Il-verżjoni attwali tal-Istrateġija Globali għandu jirrifletti b’mod ċar l-importanza tal-viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Ewropa għas-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa nnifisha, u għandha tipprovdi lill-UE b’aktar impatt u influwenza fl-avvenimenti importanti li seħħu f’dawn iż-żoni bħall-flussi migratorji u tar-refuġjati u jirregolawhom. F’dawn il-prijoritajiet għandhom jiġu inkorporati żewġ dimensjonijiet trasversali: l-iżvilupp sostenibbli u t-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (4)  (5).

5.2

Il-viċinat estiż jew strateġiku (mis-Sahel sal-Golf, u mill-Ażja Ċentrali sal-Artiku) huwa l-qasam l-aktar importanti mhux biss għall-azzjoni esterna Ewropea, iżda anki għad-dimensjoni interna tal-Istati Membri. Illum, f’dan l-ispazju hemm disintegrazzjoni soċjali u istituzzjonali profonda pprovokat minn kawżi multipli bħall-kunflitti armati, l-ispostament furzat, it-terroriżmu internazzjonali, il-kollass tal-istrutturi statali, il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, ir-rigressjonijiet awtoritarji bħal fil-każ tat-Turkija jew l-assertività ta’ setgħat bħar-Russja u l-aggressjonijiet militari jew ibridi. Dan jinvolvi sfidi strutturali profondi u fit-tul u impatt qawwi fuq l-Unjoni.

5.3

Minħabba din ir-realtà skoraġġanti, l-UE għandu jkollha responsabbiltà ikbar fit-titjib tas-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u tas-sigurtà tal-viċinat tagħha. L-UE ma għandhiex tirrinunzja għad-difiża tad-demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-drittijiet soċjali u tal-bniedem fundamentali –li jinkludu l-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt għan-negozjar kollettiv– fil-viċinat tagħha, u għalhekk huwa essenzjali l-appoġġ għas-soċjetà ċivili lokali, inkluż għall-imsieħba soċjali, kif ukoll il-preservazzjoni tal-indipendenza tagħha.

5.4

Il-KESE jilqa’ r-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u s-sejba ta’ rabta bejn l-instabbiltà, il-faqar, l-inugwaljanzi u n-nuqqas ta’ opportunitajiet, li jistgħu jżidu l-vulnerabbiltà għar-radikalizzazzjoni. F’dan is-sens l-azzjoni esterna tista’ toħloq sinerġiji meta jiġu kkombinati s-sigurtà, l-iżvilupp u l-kummerċ. Sabiex jintlaħaq dan l-għan huwa kruċjali li jintemm il-ksur tad-dritt ta’ assoċjazzjoni u tal-organizzazzjoni libera tal-impjegaturi, il-ħaddiema jew organizzazzjonijiet tat-tielet settur. Huwa importanti wkoll li jissaħħu l-istrumenti ta’ twissija bikrija għall-prevenzjoni ta’ kriżijiet potenzjali.

5.5

Il-KESE jirrakkomanda li jinżamm approċċ strett iżda mhux restrittiv fl-ambitu tat-tkabbir u l-liberalizzazzjoni tal-viżi, dejjem bil-kondizzjoni ta’ riformi kontrollabbli.

5.6

B’rabta mill-qrib ma’ dan il-viċinat insibu l-kontinent Afrikan, li l-KESE jemmen li għandu jkun it-tieni żona ġeografika prijoritarja tal-politika estera tal-UE. Mhux biss għax minn hemm joriġinaw ħafna mill-isfidi iżda wkoll minħabba l-possibbiltajiet ta’ alleanzi li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u l-governanza globali (6). L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima jipprovdu opportunitajiet ċari biex jinħolqu u jissaħħu s-sħubijiet mal-Afrika.

5.7

F’termini ġeopolitiċi, l-istabbiltà fil-viċinat usa’ tagħna timplika wkoll li jittieħed kont tas-setgħat il-kbar li għandhom l-akbar impatt fuqha, b’mod partikolari r-Russja u ċ-Ċina. L-assertività mġedda Russa u l-politika Ċiniża ta’“One belt, one road” (UCUR — investimenti enormi fl-infrastruttura tal-konnettività) jagħmluha aktar importanti minn qatt qabel li l-UE taġixxi b’vuċi waħda vis-à-vis dawn is-setgħat u mhux bi 28 vuċi.

5.8

B’rabta mal-kriżi tar-refuġjati, il-KESE jqis li huwa vitali li l-UE tadotta politika ta’ asil u refuġju komuni mwettqa minn istituzzjoni Ewropea, li tiżgura li l-Istati Ewropea jindirizzaw ir-responsabbiltajiet tagħhom b’mod konġunt, proporzjonali u solidali. It-tisħiħ tal-mezzi għall-migrazzjoni regolari hija kruċjali, kemm biex twieġeb għat-talbiet ta’ impjieg u ta’ refuġju, kemm biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-migranti fl-UE bħala riżultat tat-tnaqqis demografiku tagħha, kif ukoll sabiex jiġi evitat it-traffikar tal-persuni. Huwa imperattiv ukoll ir-rispett tal-liġi internazzjonali u dik tal-UE, rispons komunitarju għall-kriżi umanitarja li taffettwa lill-persuni li diġà jinsabu fit-territorju tal-Unjoni, kif ukoll iż-żieda fir-riżorsi maħsuba għall-protezzjoni tal-fruntieri komuni u għat-tfittxija u s-salvatagġ fuq il-baħar, kif ukoll il-ħolqien ta’ Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, kif ipproponiet il-Kummissjoni Ewropea.

6.   Il-promozzjoni tal-politika ta’ żvilupp tal-UE

6.1

L-UE għandha tallinja l-politiki interni u esterni mal-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. Fil politika ta’ żvilupp tagħha, l-UE għandha tagħmel enfasi speċjali fuq l-Aġenda għall-Azzjoni ta’ Addis Ababa. Il-ftehim dwar it-tibdil fil-klima f’Pariġi wera li d-dinja qiegħda miexja mingħajr waqfien lejn ekonomija ekoloġika, f’liema proċess l-UE taqdi rwol ta’ pijuniera.

6.2

Il-KESE jilqa’ l-azzjonijiet sabiex l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tiġi indirizzata mill-ġdid lejn il-pajjiżi l-inqas żviluppati, l-iffinanzjar tal-Patt il-Ġdid għall-Impenn fi Stati Fraġli, l-evalwazzjoni strateġika tal-għajnuna għall-ugwaljanza bejn is-sessi, l-allokazzjoni ikbar għall-protezzjoni soċjali, il-ħarsien tal-bijodiversità u l-impenji tal-BEI fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima,, kif ukoll l-appoġġ finanzjarju ta’ $100 biljun fis-sena sal-2020 għal pajjiżi li qed jiżviluppaw imwiegħda fil-Ftehim ta’ Pariġi.

6.3

Id-dimensjoni ekonomika tal-politika estera u ta’ sigurtà Ewropea għandha tissaħħaħ, u ma tkunx limitata għall-ambitu kummerċjali. Jeħtieġ li, bl-istess mod, jiġi appoġġjat it-taħriġ, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija, peress li l-istabbilizzazzjoni tal-ġirien tagħna jridu jintlaħqu permezz tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom. Pajjiżi bħat-Tuneżija, il-Libanu u l-Ġordan, fost oħrajn, għandhom jibbenefikaw minn Pjan ta’ Żvilupp li jagħti spinta lill-ekonomija tagħhom. Hemm opportunitajiet reċiproċi għal għajnuna għal pajjiżi terzi biex nagħmlu t-tranżizzjoni lejn ekonomiji b’livell baxx ta’ karbonju, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni u trasferiment ta’ teknoloġija effettivi.

6.4

Il-KESE jinnota li t-tibdil fil-klima huwa fattur li jikkontribwixxi għal migrazzjoni minħabba l-fraġilità tal-istat, in-nuqqas ta’ sigurtà u l-iskarsezza tar-riżorsi. L-UE għandha tappoġġja lil pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment dawk li huma l-aktar vulnerabbli, u tgħinhom jimxu direttament lejn ekonomiji b’livell baxx ta’ karbonju u jsaħħu r-reżiljenza għall-klima.

6.5

Il-KESE jenfasizza li, minkejja l-limitazzjonijiet baġitarji attwali f’ħafna Stati Membri, l-iskop tal-ħlas ta’, mill-inqas, 0,7 % tad-dħul nazzjonali gross fl-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp għandu jingħata prijorità. Jeħtieġ ukoll li tissaħħaħ il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u tiġi promossal-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE (7).

6.6

Huwa essenzjali li jiġi involut kull tip ta’ attur fil-finanzjament tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, inklużi s-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet finanzjarji għall-iżvilupp. Barra minn hekk, għandhom jiġu inklużi l-imsieħba soċjali fil-ġestjoni tal-proġetti (8).

6.7

Skont il-KESE, għandhom isiru bidliet fis-sistema għall-għoti ta’ fondi Ewropej għall-iżvilupp sabiex isiru aktar flessibbli, versatili u adattati għaċ-ċirkostanzi speċifiċi. F’dan ir-rigward ikun hemm bżonn li jiġu introdotti, fost affarijiet oħra, modalitajiet bħall-“ftehimiet qafas”, is-sussidji operattivi, is-sussidji kaskata (cascading subsidies), il-konvenzjonijiet multiannwali, il-fondi ta’ emerġenza jew l-implimentazzjoni tal-“kaxxa tal-għodda” (tool box) definita fid-Djalogu Strutturat (9).

7.   Il-kuntest il-ġdid tal-kummerċ u l-investiment

7.1

Il-KESE jappoġġja l-kummerċ ħieles, wieħed mill-pilastri tal-Unjoni Ewropea nnifisha. Fl-istess ħin, huwa jesprimi l-ħtieġa li jitqiesu l-asimmetriji tal-partijiet fin-negozjati, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tax-xogħol kif ukoll l-istandards ambjentali. Huwa ser jibqa’ wkoll jappoġġja l-approċċ multilaterali tad-WTO għar-regolazzjoni kummerċjali. Il-parteċipazzjoni konsultattiva u effettiva tal-organizzazzjonijiet l-aktar rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili organizzata fil-qafas tal-ftehimiet għandha, skont l-opinjoni tal-KESE, terġa’ tiġi ddefinita mill-ġdid (10).

7.2

Il-mega-ftehimiet bħas-Sħubija Trans-Paċifika (TPP), il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA), is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP), il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles mal-Ġappun u l-Indja jew is-Sħubija Ekonomika Reġjonali Komprensiva (RCEP) qed jakkwistaw dimensjoni ġeopolitika inkontestabbli, lil hinn mill-aspetti kummerċjali attwali tagħhom. Barra minn hekk, qegħdin jiġbdu interess dejjem ikbar mis-soċjetà ċivili, peress li jaffettwaw regoli u standards b’riperkussjonijiet sinifikanti fuq il-modi tal-ħajja tagħhom. Dan huwa partikolarment rilevanti f’termini tal-impatt, fit-teħid tad-deċiżjonijiet demokratiċi, tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati u l-kumitati ta’ kooperazzjoni leġiżlattivi.

7.3

L-isfida li qed tiffaċċja l-UE f’dan il-qasam hija li, filwaqt li tiftaħ perspettivi ekonomiċi u ġeostrateġiċi, għandha tiżgura n-normi u l-istandards Ewropej, is-servizzi pubbliċi u l-preservazzjoni tal-oqsma ewlenin tar-regolamentazzjoni politika kif ukoll l-istandards tas-saħħa, ix-xogħol u l-ħarsien tal-ambjent (11). L-opinjoni tal-KESE, bħala dik tas-soċjetà ċivili, hija favur li l-protezzjoni tal-investituri tkun żgurata mill-qrati ordinarji jew, inkella, minn qorti internazzjonali indipendenti maħluq min-Nazzjonijiet Uniti. Kif ukoll parteċipazzjoni effettiva tas-soċjetà ċivili organizzata fil-ftehimiet, li hija marbuta ma’ politika ta’ trasparenza informattiva, fil-ħin reali, kemm fin-negozjati kif ukoll fid-deċiżjonijiet li jaffettwaw is-soċjetà ċivili (12).

8.   It-tisħiħ tas-soċjetà ċivili, bħala element fundamentali tal-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE

8.1

Fil-fehma tal-KESE, is-soċjetà ċivili organizzata hija waħda mill-elementi tad-demokrazija. Soċjetà ċivili b’libertà u bi drittijiet, b’imsieħba soċjali b’saħħithom, bil-parteċipazzjoni effettiva fid-deċiżjonijiet u b’rikonoxximent istituzzjonali hija essenzjali għall-aċċess u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija, biex tiġi evitata l-bidla lejn l-awtoritarjaniżmu, jitħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku, il-bini tal-paċi, tiġi promossal-koeżjoni soċjali, sabiex ikun hemm il-ġlieda favur l-ugwaljanza fl-aspetti differenti tagħhom, tippromovi u tagħmel possibbli mudell ta’ żvilupp sostenibbli u tarrikkixxi lill-istituzzjonijiet demokratiċi. Din hija importanti wkoll sabiex issaħħaħ ir-rabtiet mas-soċjetajiet ċivili ta’ pajjiżi u reġjuni oħra fid-dinja, permezz ta’ azzjoni parallela ma’ dik diplomatika li hija essenzjali sabiex issaħħaħ l-istorja, il-kulturi, it-twemmin u l-objettivi ġenerali.

8.2

Konsegwentement, il-KESE jirrakkomanda li fil-PESK jiddaħħal, b’mod espliċitu, dan il-komponent fost l-għanijiet prijoritarji tagħha. Permezz ta’ diversi mezzi biex jintlaħaq dan it-tisħiħ, bħall-fondi għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp tad-drittijiet tal-bniedem; l-azzjoni u t-talbiet diplomatiċi; parteċipazzjoni ġenwina u effettiva (konsultattiva u mhux biss “awditiva”) tas-soċjetà ċivili fil-ftehimiet kummerċjali jew ta’ assoċjazzjoni, bħala parti integrali minnhom u b’setgħat dwar l-oqsma kollha; it-tisħiħ tal-politika b’tendenza li l-kumpanij Ewropej bi preżenza f’pajjiżi jew reġjuni oħrajn ikunu konformi mal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO u jiżviluppaw il-politiki ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva li tiddefendi l-UE.

8.3

Għal dan il-għan, il-KESE jqis li huwa meħtieġ li l-PESK tinvolvi lis-soċjetà ċivili organizzata Ewropea fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-għanijiet u l-prijoritajiet tagħha. Il-KESE jissuġġerixxi li r-rwol tas-soċjetà ċivili jista’ jittejjeb:

permezz tal-għoti ta’ setgħa lis-soċjetà ċivili fil-viċinat Ewropew, bil-għan li tappoġġja l-proċessi ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ demokratizzazzjoni;

permezz tat-titjib tal-identifikazzjoni tal-kontropartijiet fuq il-bażi ta’ kriterji kompatibbli mal-mudell soċjali Ewropew, b’mod konkret billi l-imsieħba soċjali jiġu rikonoxxuti b’mod ugwali;

billi jiġu promossi l-okkażjonijiet ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, bħalma huma l-kunsilli ekonomiċi u soċjali;

billi tnaqqas l-iżbilanċ tad-djalogu ċivili u soċjali fil-pajjiżi tal-PEV;

billi jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-organizzazzjonijiet settorjali reġjonali, bħalma diġà jeżistu f’oqsma bħalma huma l-ekonomija soċjali, l-organizzazzjonijiet tan-negozju u t-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet agrikoli, il-promozzjoni tal-intraprenditorija tan-nisa, id-drittijiet tal-bniedem, eċċ.

billi tissoġġetta l-azzjoni esterna tal-UE għal kontroll u monitoraġġ ikbar mis-soċjetà ċivili Ewropea;

billi tinvolvi aħjar lis-soċjetà ċivili fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ, ta’ Assoċjazzjoni u ta’ Sħubija;

billi tappoġġja l-ħolqien ta’ kuntest favorevoli għall-parteċipazzjoni fil-politiki ta’ żvilupp tal-UE tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ta’ pajjiżi terzi;

billi tiġi involuta fil-politika tal-asil u tar-refuġju fir-rigward tal-integrazzjoni u l-ġlieda kontra l-r-reżistenzi ksenofobiċi;

permezz tal-artikolazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-komponenti differenti tas-soċjetà ċivili — imprendituri, trejdjunjins, organizzazzjonijiet soċjoekonomiċi fit-tielet settur, NGOs — b’mod aktar strutturat u inqas ibbażat fuq l-assemblea.

9.   Ir-rwol tal-KESE

9.1

Aħna nemmnu li l-KESE bħala korp konsultattiv tal-istituzzjonijiet Ewropej u rappreżentant tal-organizzazzjonijiet il-kbar kollha tas-soċjetà ċivili tal-Istati li jiffurmaw l-UE, huwa dak li huwa fl-aħjar pożizzjoni biex ikun kontroparti essenzjali tas-SEAE u l-Kummissjoni Ewropea għat-tisħiħ u l-iżvilupp ulterjuri tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE. Din l-affermazzjoni hija appoġġjata mill-kompożizzjoni tripartitika tiegħu, viżjoni globali, l-esperjenza vasta tiegħu u r-relazzjonijiet tiegħu mas-soċjetà ċivili ta’ partijiet oħra tad-dinja bbażati, prinċipalment, fuq mandati rċevuti permezz ta’ ftehimiet internazzjonali ta’ tipi differenti ffirmati mill-UE: ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, sħubiji strateġiċi, ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, ftehimiet mal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni (13).

9.1.1

Fil-KESE nipproponu l-organizzazzjoni ta’ seduta annwali dwar il-politika estera u ta’ sigurtà bil-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet Ewropej prinċipali tas-soċjetà ċivili u bil-preżenza tar-Rappreżentant Għoli.

9.2

Il-KESE jemmen li jkun pożittiv ħafna li tiġi stabbilita relazzjoni strateġika mas-SEAE, ibbażata fuq il-konvinzjoni, taż-żewġ partijiet, dwar l-importanza tas-soċjetà ċivili fil-kuntest tal-politika estera tal-UE, speċjalment fit-twettiq ta’ għanijiet prijoritarji. Għal dan il-għan, il-KESE jipproponi li dawn il-prijoritajiet jiġu esplorati flimkien u b’tali mod li jifformalizzaw kooperazzjoni bejn is-SEAE u l-KESE.

9.3

Il-KESE jista’ jgħin lis-SEAE sabiex iwettaq rapport ta’ evalwazzjoni dwar il-parteċipazzjoni attwali tas-soċjetà ċivili fil-qasam tal-politika esterna Ewropea.

9.4

Fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-KESE ser iżid il-kooperazzjoni tiegħu ma’ organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti bħall-ILO jew il-FAO.

Brussell, it-28 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Id-dimensjoni esterna tal-istrateġija ta’ Lisbona mġedda” (ĠU C 128, 18.5.2010, p. 41).

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-politika estera u ta’ sigurtà l-ġdida tal-UE u r-rwol tas-soċjetà ċivili” (ĠU C 24, 28.1.2012, p. 56).

(3)  Il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, qed tipprepara Azzjoni Preparatorja għar-riċerka relatata mal-PESK matul il-perjodu 2017–2019.

(4)  REX/458 — Opinjoni tal-KESE dwar “Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat”, approvata fil-25 ta’ Mejju 2016 (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).

(5)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “L-Istrateġija tal-UE dwar it-tkabbir” (ĠU C 133, 14.4.2016, p. 31).

(6)  REX/455 — Opinjoni tal-KESE dwar “Il-futur tar-relazzjonijiet tal-UE mal-grupp tal-pajjiżi tal-AKP”, approvata fil-25 ta’ Mejju 2016 (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).

(7)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-politika ta’ żvilupp tal-Unjoni Ewropea, “Il-Kunsens Ewropew” (ĠU C 24, 31.1.2006, p. 79), mhux disponibbli bil-Malti.

(8)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-finanzjament tal-iżvilupp – il-pożizzjoni tas-soċjetà ċivili” (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 49).

(9)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil- politiki tal-iżvilupp u tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea” (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 28).

(10)  Ittra tal-President Malosse lill-Kummissarju Malmström tat-18 ta’ Ġunju 2015 fejn fiha l-valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-gruppi ta’ konsulenza fil-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni.

(11)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Kummerċ għal kulħadd: lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment” (ara l-paġna 123 tal-Ġurnal Uffiċjali).

(12)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-protezzjoni tal-investituri u s-soluzzjoni għat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment bejn l-UE u pajjiżi terzi” (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 45).

(13)  Attwalment il-KESE għandu 23 struttura internazzjonali u ta’ segwitu għall-kwistjonijiet internazzjonali.


20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/11


Opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza dwar “Mobilità iżjed ġusta tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE”

(Opinjoni esploratorja)

(2016/C 264/02)

Relatur:

Laura GONZÁLEZ DE TXABARRI ETXANIZ

Korelatur:

Dorthe ANDERSEN

F’ittra tas-16 ta’ Diċembru 2015, il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u l-Impjieg, f’isem il-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill tal-UE u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar

“Mobilità iżjed ġusta tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE”

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta' April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’232 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jqis li, fil-kuntest politiku attwali, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri jridu jagħmlu sforz speċjali sabiex jiggarantixxu u jippromovu l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-UE u jneħħu kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, filwaqt li jevitaw restrizzjonijiet inġustifikati kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-intrapriżi, peress li dawn huma libertajiet fundamentali mnaqqxa fit-TFUE u wieħed mill-kisbiet l-aktar ivvalutati tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropew. Il-KESE jappoġġja inizjattivi li jistgħu jħeġġu u jippromovu mobilità ġusta tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE, kif espress ukoll mill-Presidenza Netherlandiża u l-għan tal-Kummissjoni li tippromovi l-mobilità.

1.2

Il-mobilità tal-forza tax-xogħol, meta titwettaq abbażi ta' kondizzjonijiet ġusti u toffri għażla pożittiva, tista' tkun ta' vantaġġ u ta' benefiċċju għall-ħaddiema, l-impjegaturi u s-soċjetà kollha kemm hi. Il-mobilità tal-forza tax-xogħol hija fundamentali għas-suq intern u tista' ġġib opportuntiajiet ta' impjieg u prosperità għaċ-ċittadini u kumpaniji Ewropej. Tista' tkun element importanti sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' impjieg u tkabbir ekonomiku fl-UE, waqt li tgħin tibbilanċja l-livelli differenti ta' impjieg fl-Istati Membri, hekk kif tipprovdi forza tax-xogħol u talent fejn hemm nuqqas, tista' tiżgura użu aħjar tar-riżorsi umani kif ukoll tista' tippromovi t-trasferiment tal-għarfien, l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet, li huma essenzjali għal dinja li għaddejja minn bidla teknoloġika. Fl-istess ħin tista' tikkontribwixxi sabiex ittaffi l-effetti ta' forza tax-xogħol li qed tixjieħ fil-pajjiż tad-destinazzjoni.

1.3

Il-mobilità tal-forza tax-xogħol tista’ wkoll, f’ċerti każijiet u f’ċerti setturi, twassal għal dak li jissejjaħ “eżodu ta’ mħuħ”, fejn b'mod partikolari ż-żgħażagħ minn ċerti pajjiżi b’rati għolja ta’ qgħad jiċċaqalqu biex ifittxu impjieg jew opportunitajiet aħjar ta' xogħol. Fl-istess ħin, il-valur pożittiv tal-moviment liberu tal-ħaddiema m’għandux jiddgħajjef jew jiġi ddubitat minn kwalunkwe biża' infondata dwar it-tipi kollha ta’ abbuż.

1.4

Sabiex jiġu evitati dawn is-sitwazzjonijiet, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromovu politiki ekonomiċi li jkollhom l-għan li jħeġġu t-tkabbir u l-produttività u jiġġeneraw impjiegi ta' kwalità fl-Istati Membri kollha sabiex jitjiebu l-kondizzjonijiet ta' għajxien taċ-ċittadini Ewropej kollha.

1.5

Mobilità ġusta teħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm konformità mal-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza skont l-acquis Ewropew għall-ħaddiema mobbli Ewropej li jeżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu, li huma soġġetti għall-kondizzjonijiet tax-xogħol u r-regoli li jistabbilixxu l-pagi tal-pajjiż ospitanti, b'rispett sħiħ tas-sistemi nazzjonali għan-negozjar kollettiv u r-relazzjonijiet industrijali.

1.6

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza, f’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, il-kwistjonijiet kollha meħtieġa b'rabta mal-ħaddiema stazzjonati sabiex jiġu indirizzati prattiki inġusti li jwasslu għal dumping soċjali. Bl-istess mod, kwalunkwe miżura ġdida fil-livell Ewropew għandha tirrispetta lill-kompetenzi nazzjonali għan-negozjar kollettiv u s-sistemi differenti tar-relazzjonijiet industrijali.

1.7

Fir-rigward tal-ħaddiema transkonfinali/transfruntiera, il-KESE jqis li huwa neċessarju li tiġi monitorjata s-sitwazzjoni u tinġabar data fil-livell tal-UE, biex jitneħħew l-ostakoli possibbli u tiġi żgurata l-mobilità ħielsa u ġusta ta’ dawn il-ħaddiema.

1.8

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni sabiex, f'konformità mar-rieda murija tagħha li ttemm id-dumping soċjali u l-abbuż, ma tippermettix li inizjattivi relatati mas-suq intern jiffaċilitaw dawn il-prattiki (inkluż il-passaport ippjanat tas-servizzi).

1.9

L-ispezzjoni tax-xogħol hija meħtieġa taqdi rwol fundamentali sabiex tiggarantixxi l-mobiltà ġusta. Sabiex dan ikun possibbli, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jipprovdu kompetenzi adegwati lill-ispettorati nazzjonali u lill-awtoritajiet li jikkontrollaw is-suq tax-xogħol u jipprovduhom b'biżżejjed riżorsi u persunal, filwaqt li jiġi appoġġjat it-titjib ta' strumenti Ewropej transkonfinali għall-ispezzjoni tas-suq tax-xogħol, inkluż titjib fl-infurzar transkonfinali tal-pieni.

1.10

Il-KESE jappoġġja s-semplifikazzjoni tar-regoli dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri għall-implimentazzjoni tagħhom u jissottolinja l-ħtieġa li kwalunkwe reviżjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (1) tkun tirrispetta l-prinċipju tat-trattament indaqs tal-ħaddiema mobbli sabiex jiġi evitat li jitilfu drittijiet akkwistati jew li ma jkollhomx drittijiet minħabba li jkunu ċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-KESE fassal din l-opinjoni esploratorja dwar mobilità iżjed ġusta tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE fuq talba tal-Presidenza Netherlandiża, li tiddikjara fil-prijoritajiet tagħha li “l-mobilità tal-ħaddiema tista' tistimola t-tkabbir ekonomiku u l-impjieg, iżda l-iżvantaġġ irid jiġi indirizatt sabiex jiżdied l-appoġġ pubbliku għall-moviment liberu tal-ħaddiema”.

2.2

Il-moviment liberu tal-ħaddiema jikkostitwixxi wieħed mil-libertajiet bażiċi tas-suq intern u wieħed mill-pilastri tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea. Huwa wkoll wieħed mill-kisbiet l-aktar apprezzati għaċ-ċittadinanza Ewropea. Żviluppat abbażi tal-moviment liberu, is-suq intern ikkontribwixxa għat-tkabbir ekonomiku, l-impjieg u l-opportunitajiet għaċ-ċittadini, il-ħaddiema u l-intrapriżi. Il-mobilità tal-forza tax-xogħol, meta titwettaq f'kondizzjonijiet ġusti, tista' tkun ta' benefiċċju għall-ħaddiema, l-intrapriżi u s-soċjetà kollha kemm hi u għalhekk għandha tiġi ffaċilitata billi jitneħħew, kemm jista' jkun, l-ostakli għaliha. Il-kompetizzjoni inġusta jew id-diskriminazzjoni tal-ħaddiema ma għandhomx jiġu aċċettati fis-suq intern.

2.3

Il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol tista’ twassal ukoll għal għadd ta’ problemi li jridu jiġu indirizzati sabiex jitnaqqsu r-riskji tagħhom u tippermetti kemm lill-ħaddiema kif ukoll lill-intrapriżi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet offruti minnha.

2.4

L-UE qed taħdem biex iżżid il-mobbiltà ġusta tal-forza tax-xogħol fl-Ewropa billi tneħħi l-ostakoli li jxekkluha. Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret, fil-Programm ta’ ħidma tagħha għall-2016, li ser jiġu ppreżentati proposti ta’ mobilità tal-forza tax-xogħol li jinkludu “miżuri biex jiġi indirizzat l-abbuż permezz ta’ infurzar aħjar u ta' koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali u aħna se nippreżentaw reviżjoni mmirata tad-Direttiva dwar l-Impjieg tal-Ħaddiema (2) sabiex nindirizzaw prattiki inġusti li jwasslu għal dumping soċjali u għall-eżodu tal-imħuħ billi jiġi żgurat li l-istess xogħol fl-istess post jitħallas bl-istess paga” u biex tiġi promossa l-mobilità tal-forza tax-xogħol fl-UE.

2.5

L-għan ta' din l-opinjoni huwa li jiġu indirizzati l-aspetti differenti tal-mobilità tal-forza tax-xogħol f'perjodu fejn fis-swieq tax-xogħol għad hemm livelli għoljin ta’ qgħad u li għaddejjin minn tibdil profond, kontra sfond ta' globalizzazzjoni, tibdil fis-soċjetà u innovazzjoni teknoloġika.

2.6

Wara għexieren ta' snin ta' livelli baxxi ta' mobilità intra-Komunitarja, it-tkabbir tal-UE, il-kriżi li bdiet fl-2008 u ż-żieda fil-qgħad wasslu għal żieda fil-mobilità ta’ ħaddiema. Fl-2014 kien hemm madwar 15-il miljun persuna li ċċaqalqet fl-UE, meta mqabbla mal-kważi 12-il miljun fl-2006 (3). Fl-istess sena, kien hemm 8,3 miljun ħaddiem mobbli tal-età tax-xogħol li kienu jaħdmu u jgħixu fi Stat Membru ieħor, l-ekwivalenti għal 3,4 % tal-forza tax-xogħol kollha, apparti l-1,6 miljun persuna li kienu jgħixu f'pajjiż iżda jaħdmu f'pajjiż ieħor (ħaddiema transkonfinali) (4).

2.7

Il-moviment liberu taċ-ċittadini u tal-ħaddiema fl-UE, madankollu, tpoġġa f'dubju f’dawn il-jiem bħala riżultat ta’ diversi fatturi. Il-KESE huwa mħasseb dwar dan l-iżvilupp. Kemm ir-restrizzjonijiet li qed jiġu imposti fiż-żona Schengen minn xi Stati Membri bħala riżultat tal-influss ta’ refuġjati (5) kif ukoll l-eċċezzjonijiet għat-trattament indaqs tal-ħaddiema mobbli intra-UE miftiehma mar-Renju Unit waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Frar 2016 (6), qed jolqtu waħda mill-kisbiet l-aktar importanti tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea.

2.8

Il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema u t-tneħħija ta' kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità huma prinċipji fundamentali stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li għandhom ikunu ggarantiti u protetti. Barra minn hekk iż-żona Schengen hija element ċentrali fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea u għall-funzjonament tajjeb tal-ekonomija tagħha. L-iżgurar li l-fruntieri jkunu miftuħin u li ċ-ċittadini tagħha jkunu jistgħu jiċċaqilqu, jgħixu u jaħdmu fuq bażi ugwali fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha għandu jkun prijorità u responsabbiltà għall-UE u għall-Istati Membri tagħha.

2.9

Peress li jaffettwa b’mod partikolari lill-ħaddiema u lill-intrapriżi, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-imsieħba soċjali, kemm fil-livell settorjali kif ukoll f'dak intersettorjali, dwar il-ħtieġa ta' kwalunkwe inizjattiva f’dan il-qasam u l-kontenut possibbli tagħha. Bl-istess mod, kwalunkwe miżura ġdida fil-livell Ewropew għandha tirrispetta lill-kompetenzi nazzjonali għan-negozjar kollettiv u s-sistemi differenti tar-relazzjonijiet industrijali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa rregolat mill-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 4(2)(a), 20, 26 u 45 sa 48 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE). Jimplika l-projbizzjoni ta' kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri fir-rigward ta' impjieg, ta' remunerazzjoni u ta' kondizzjonijiet oħra ta' xogħol. Hija tippermetti l-aċċess għad-drittijiet ta’ mobilità, residenza, u drittijiet ekonomiċi u soċjali, li r-regolamentazzjoni bażika tagħhom tinsab fid-Direttiva 2004/38/KE dwar il-libertà ta’ moviment u residenza fl-UE (7) u d-Direttiva 2014/54/UE dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt għax-xogħol fi Stat Membru ieħor (8).

3.2

Il-moviment liberu tal-ħaddiema jipprovdi għad-dritt li jiċċaqalqu liberament u li jgħixu f’wieħed mill-Istati Membri sabiex ikollhom impjieg b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet legali, regolamentari u amministrattivi li jirregolaw l-impjieg taċ-ċittadini. Dan jinkludi kemm il-libertà ta’ moviment fiha nnifisha kif ukoll id-dritt għal trattament indaqs, fost affarijiet oħra, fl-impjieg, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.3

Il-mobilità tal-forza tax-xogħol, meta titwettaq f'kondizzjonijiet ġusti, tista' tkun ta' benefiċċju għall-ħaddiema, l-intrapriżi u s-soċjetà kollha kemm hi. Tista' tkun opportunità kbira għall-iżvilupp personali, ekonomiku u soċjali taċ-ċittadini u tal-ħaddiema u għalhekk għandha tiġi ffaċilitata.

3.4

Il-mobilità hija fattur ewlieni tal-impjegabilità u tal-iżvilupp tat-talenti u tista’ tkun mezz sabiex tiġi trattata d-diverġenza fil-livelli ta’ impjieg fl-Istati Membri differenti li tista’ tgħin biex jiġi kkumpensat in-nuqqas ta’ ħaddiema kull fejn iseħħ u jintużaw aħjar il-ħiliet tal-ħaddiema. Iġġib iktar opportunitajiet ta’ impjieg għall-ħaddiema u toffri ambitu akbar għall-impjegaturi fit-tfittxija tagħhom għal talenti. F'dan il-kuntest, il-mobilità tista’ tkun element importanti sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-impjieg u t-tkabbir ekonomiku tal-Istrateġija Ewropa 2020.

3.5

Il-mobilità tal-forza tax-xogħol tista’ tgħin ukoll biex jiġi promoss it-trasferiment tal-għarfien, l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-kapital uman, li huwa essenzjali f’kuntest ta’ bidliet teknoloġiċi rapidi u ta' globalizzazzjoni. F’kondizzjonijiet xierqa, mobilità ġusta tal-forza tax-xogħol għandha tħeġġeġ l-interazzjoni bejn iċ-ċittadini Ewropej u ttejjeb l-għarfien u l-aċċettazzjoni reċiproċi u b’hekk tikkontribwixxi għal soċjetà aktar tolleranti u inklużiva.

3.6

Iżda ma nistgħux ninjoraw li l-mobilità tal-forza tax-xogħol għandha wkoll għadd ta’ żvantaġġi. Il-ħaddiema Ewropej li jaħdmu fi Stat Membru ieħor xi kultant, u minħabba raġunijiet differenti, huma aktar vulnerabbli għall-abbuż u għad-diskriminazzjoni f’oqsma bħas-sigurtà soċjali, il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi, l-aċċess għall-benefiċċji soċjali u l-edukazzjoni, fil-qasam tat-taxxa, eċċ. Dan kollu jista' jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fost l-intrapriżi, speċjalment f'setturi li jużaw b'mod intensiv il-forza tax-xogħol bħall-kostruzzjoni b'konċentrazzjoni għolja ta' intrapriżi żgħar ħafna. Il-mobilità tista’ twassal ukoll għas-separazzjoni tal-familji u diffikultajiet għall-integrazzjoni f’pajjiż ieħor, minħabba ostakli lingwistiċi u kulturali, eċċ. Il-KESE fassal għadd ta’ opinjonijiet dwar l-importanza li jingħata appoġġ għall-mobilità fi ħdan l-UE u jitneħħew dawn l-ostakoli (9).

3.7

Il-prospetti ekonomiċi negattivi kontinwi, il-livell għoli ta’ qgħad u n-nuqqas ta’ prospetti ta’ impjieg f’xi pajjiżi tal-UE qed iwasslu lil xi ħaddiema, speċjalment żgħażagħ, biex ifittxu impjieg jew pagi u kondizzjonijiet tax-xogħol aħjar f’pajjiżi oħra. Dan jista’ jkollu lat pożittiv, sa fejn dan jippermetti li ż-żgħażagħ jaħdmu f'pajjiż ieħor, jiksbu esperjenza u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, minflok ma jibqgħu bla xogħol fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Barra minn hekk, meta jirritornaw, l-esperjenza miksuba se tkun ta’ benefiċċju għal pajjiżhom. Iżda fl-istess ħin tista’ tagħti lok għal problema li tissejjaħ “eżodu tal-imħuħ” u taggrava l-konsegwenzi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fil-pajjiżi ta’ oriġini.

3.8

Barra minn hekk, mobilità għolja tista' twassal għal sfidi prinċipali u toħloq tensjonijiet fis-suq tax-xogħol fil-pajjiż tad-destinazzjoni, speċjalment jekk is-sitwazzjoni ekonomika ma tiggarantixxix livell adegwat ta' tkabbir u ta' ħolqien ta' impjiegi li jevitaw iż-żieda fil-qgħad.

3.9

Prekondizzjoni waħda sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE, u fl-istess ħin jitnaqqsu r-riskji tagħha u jiġi permess li kemm il-ħaddiema kif ukoll l-intrapriżi jkunu jistgħu jibbenefikaw bi sħiħ mill-opportunitajiet li toffri din stess, hija li tiġi promossa politika ekonomika li ssaħħaħ it-tkabbir, il-produttività u l-ħolqien tal-impjieg, u li tippermetti li jitjiebu l-kondizzjonijiet ta' għajxien fil-pajjiżi kollha.

3.10

Il-perċezzjoni pubblika f'xi pajjiżi li l-mobilità tal-forza tax-xogħol tista' twassal għal kompetizzjoni soċjali u fil-pagi, flimkien mat-twemmin bla bażi li l-istess ħaddiema mobbli jabbużaw mis-servizzi pubbliċi u soċjali (“turiżmu tal-benefiċċji”) jgħinu sabiex ikabbru s-sens ta’ ostilità lejn il-mobilità tal-forza tax-xogħol. Fir-rigward ta’ dan it-twemmin, studji differenti jikkonkludu li ma hemmx evidenza li benefiċċji soċjali ogħla f'ċerti Stati meta mqabbla ma' dawk tal-pajjiżi ta' oriġini jikkostitwixxu raġuni sinifikati għall-mobilità tal-forza tax-xogħol. Dan huwa kkonfermat mill-użu aktar baxx ta’ dawn il-benefiċċji mill-ħaddiema mobbli intra-UE meta mqabbel maċ-ċittadini. Meta dawn jużaw b'mod aktar intensiv ċerti benefiċċji, dan ikun dovut għal ċirkostanzi speċifiċi soċjoekonomiċi tal-ħaddiema mobbli (10). L-istudji juru li r-rabta bejn il-mobilità u s-servizzi soċjali hija baxxa, filwaqt li r-rata ta' qagħad eżistenti fil-pajjiż jew il-livell tal-pagi għandhom rwol aktar determinanti (11).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1    Mobilità iżjed ġusta tal-forza tax-xogħol

Mobilità tal-forza tax-xogħol ġusta tfisser li jiġi żgurat li l-ħaddiema mobbli li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għall-moviment liberu skont l-acquis tal-UE jiġu ttratati skont il-prinċipji tat-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni. Għal dan il-għan huwa essenzjali li l-Istati Membri jiggarantixxu l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tal-leġislazzjoni eżistenti relatata mad-drittijiet soċjali u l-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-pagi eżistenti għall-ħaddiema mobbli kollha, sabiex jiġi evitat ir-riskju tad-dumping soċjali u tad-dumping tal-pagi, kif ukoll kompetizzjoni inġusta bejn l-intrapriżi. Dan huwa valur pożittiv għas-suq intern.

4.1.1

Bl-istess mod, jeħtieġ li jingħelbu l-ostakli amministrattivi, istituzzjonali u lingwistiċi li għadhom ixekklu l-mobilità tal-forza tax-xogħol, waqt li jiġu adottati miżuri konkreti bħall-għoti ta’ informazzjoni u pariri lill-ħaddiema mobbli, b’kollaborazzjoni man-netwerk EURES u n-netwerk tal-Unjoni Ewropea tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, miżuri biex jitjiebu l-ħiliet lingwistiċi, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, eċċ. bi qbil mal-proposti misjuba f’opinjonijiet preċedenti tal-KESE (12).

4.1.2

Mobilità ġusta tal-forza tax-xogħol għandha tkun akkumpanjata b’miżuri li jiżguraw it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fil-pajjiżi kollha tal-UE, sabiex jiġi evitat li jiġu approfonditi d-differenzi eżistenti bejniethom u biex jiġi żgurat li kulħadd igawdi minnhom.

4.1.3

Taħt dawn il-kondizzjonijiet biss tista’ tiġi ggarantita mobilità ġusta tal-forza tax-xogħol, maħsuba bħala għażla pożittiva għall-ħaddiema, u mhux bħala għażla li hija sfurzata.

4.2    Stazzjonar tal-ħaddiema

4.2.1

Il-ħaddiema stazzjonati għandhom skema statutorja differenti minħabba l-fatt li dawn ma jkunux qed jużaw id-drittijiet ta’ moviment liberu, iżda huwa l-impjegatur li jkun qed igawdi mil-libertà tal-prestazzjoni tas-servizzi sabiex il-ħaddiema jmorru f'pajjiż ieħor b’mod temporanju. Kemm l-impjegatur kif ukoll il-ħaddiem jibbenefikaw mill-fatt li ma jkollhomx għalfejn ibiddlu l-post tax-xogħol tal-kuntratt u jistgħu jżommu l-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali fil-pajjiż ta’ oriġini.

4.2.2

L-iskema statutorja ta’ dawn il-ħaddiema stazzjonati hija koperta mid-Direttiva 96/71 (13) flimkien mad-Direttiva 2014/67/UE (14) dwar l-infurzar tal-leġislazzjoni dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema, adottata f’Mejju 2014.

4.2.3

Għalkemm ma teżisti l-ebda statistika uffiċjali dwar il-pagi tal-ħaddiema stazzjonati, rapport ikkummissjonat mill-KE (15) jinnota li fis-setturi tal-kostruzzjoni u tat-trasport il-pagi jistgħu jkunu sa 50 % iktar baxxi minn dawk tal-ħaddiema lokali. Dawn id-differenzi jistgħu jiġu spjegati mill-implimentazzjoni żbaljata tas-salarji minimi u għal raġunijiet oħra, bħat-tendenza li l-ħaddiema stazzjonati jiġu kklasifikati f'livell baxx fl-iskala tal-klassifikazzjoni konvenzjonali. Hemm ukoll differenzi, għalkemm iżgħar, f’setturi produttivi oħrajn li jvarjaw skont il-pajjiżi. Huwa importanti li tiġi enfasizzata l-varjetà tas-sorsi ta' informazzjoni: spezzjonijiet tax-xogħol, rapporti mit-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, il-midja (16).

4.2.4

Il-Qorti tal-Ġustizza tal-Unjoni Ewropea indirizzat il-kwistjoni tas-salarji applikati għall-ħaddiema stazzjonati, b'riżultat li l-ġurisprudenza tagħha iġġenerat ħafna kontroversja. Din is-sitwazzjoni wasslet lill-Kummissjoni biex tipproponi d-Direttiva 2014/67/UE (17), bil-għan li ttejjeb il-ġlieda kontra l-frodi u l-abbuż tal-istazzjonar tal-ħaddiema. L-Istati Membri għandhom sat-18 ta’ Ġunju 2016 sabiex jittrasponu d-Direttiva ta’ implimentazzjoni. Il-KESE diġà qies li din id-Direttiva, minkejja li hija pass fid-direzzjoni lejn it-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali fis-suq intern, mhijiex biżżejjed biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Kumitat (18).

4.2.5

Skont il-pakkett ta’ mobilità tal-forza tax-xogħol, il-Kummissjoni ħabbret ir-reviżjoni speċifika tad-Direttiva dwar l-ispostament tal-ħaddiema sabiex jiġu indirizzati “prattiki inġusti li jwasslu għal dumping soċjali u għall-eżodu tal-imħuħ billi jiġi żgurat li l-istess xogħol fl-istess post jitħallas bl-istess paga” (19). Fit-8 ta' Marzu ppubblikat il-proposta leġislattiva tagħha għar-reviżjoni tad-Direttiva (20), qabel il-preżentazzjoni tal-pakkett dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol u qabel l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva ta' implimentazzjoni. Il-KESE ser jindirizza l-kwistjonijiet kollha relatati f'opinjoni separata dwar il-proposta tal-Kummissjoni.

4.2.6

Fi kwalunkwe każ, il-KESE jinnota b'interess l-intenzjoni ddikjarata mill-Kummissjoni Ewropea li ttemm id-dumping soċjali. Il-KESE jtenni dak li kien qal fl-opinjoni SOC/460, “filwaqt li jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema stazzjonati, li jiġu rispettati l-mudelli varji tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri, u li jiġi skoraġġut id-dumping soċjali u l-kompetizzjoni inġusta”. Huwa importanti – anke fil-futur – li jinstab l-aħjar bilanċ bejn il-bżonn li tiġi promossa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-bżonn li jiġu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati. Il-KESE ser jaħdem fuq dan il-punt. Il-KESE ser jaħdem fuq dan il-punt.

4.2.7

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni sabiex, f'konformità mar-rieda murija tagħha li ttemm id-dumping soċjali u l-abbuż, ma tippermettix li inizjattivi relatati mas-suq intern jiffaċilitaw dawn il-prattiki (inkluż il-passaport ippjanat tas-servizzi).

4.3    Il-ħaddiema transkonfinali

Skont ir-Regolament 883/04, il-ħaddiema transkonfinali huma koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż fejn jaħdmu. Madankollu, f’ċerti każijiet jistgħu ikunu soġġetti għal xi forom ta’ diskriminazzjoni minħabba nuqqas ta’ infurzar tar-regoli eżistenti. Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi monitorjata s-sitwazzjoni u tinġabar d-data fil-livell Ewropew, sabiex jitneħħew ostakoli possibbli għall-moviment liberu tal-ħaddiema transkonfinali u tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-UE u dik nazzjonali, skont il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u t-trattament indaqs.

4.4    Ir-rwol tal-ispezzjoni tax-xogħol

4.4.1

Il-KESE jqis li l-ispezzjoni tax-xogħol nazzjonali għandha taqdi rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-kumpaniji fittizji, il-pagi inferjuri u x-xogħol mhux iddikjarat billi tiżgura li d-drittijiet tal-ħaddiema mobbli u stazzjonati jiġu rispettati u mwettqa, u billi tevita l-abbuż. Dan għandu jagħmilha wkoll possibbli li tiġi prevenuta d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-intrapriżi.

4.4.2

In-nuqqas ta’ kontroll f’ċerti pajjiżi, kemm jekk minħabba nuqqas ta’ struttura adegwata ta’ spetturi tax-xogħol, minħabba n-nuqqas tal-kompetenzi adegwati, tal-għarfien meħtieġ jew minħabba n-nuqqas tar-riżorsi meħtieġa, jinkoraġġixxi l-abbuż. L-ispettorati tax-xogħol u awtoritajiet oħrajn tal-monitoraġġ tas-suq tax-xogħol jistgħu jkunu effiċjenti biss jekk ikollhom biżżejjed fondi u persunal b’taħriġ adegwat. B'rabta ma' din hemm bżonn ta' regoli fil-livell Ewropew, inkluż titjib fl-infurzar transkonfinali ta' pieni, kif ukoll appoġġ lill-Istati Membri li jsibu diffikultà joħolqu dawn l-infrastrutturi.

4.4.3

Ikkombinat ma' dan, it-titjib tal-istrumenti Ewropej tal-ispezzjoni transkonfinali, kif issuġġerit fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 (21) għandu jgħin biex jiġu skoperti u miġġielda l-każijiet ta’ dumping soċjali, b’mod partikolari billi jinstabu kumpaniji fittizji.

4.4.4

Dan għandu jkun totalment f'konformità mal-pjattaforma Ewropea li għadha kif inħolqot reċentement għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat.

4.5    It-trasferibbiltà tad-drittijiet soċjali u l-protezzjoni tal-ħaddiema mobbli

4.5.1

Il-KESE jappoġġja s-semplifikazzjoni tar-regoli dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri għall-implimentazzjoni tagħhom u jissottolinja l-ħtieġa li kwalunkwe reviżjoni tar-Regolament Nru 883/2004 tkun tirrispetta l-prinċipju tat-trattament indaqs tal-ħaddiema mobbli sabiex jiġi evitat li jitilfu drittijiet akkwistati jew li ma jkollhomx drittijiet minħabba li jkunu ċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor.

4.5.2

L-iżgurar tat-trasferibbiltà tad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema mobbli huwa wkoll aspett meħtieġ għal mobilità ġusta, kemm għal dawk li jiċċaqalqu biex jaħdmu f'pajjiż ieħor kif ukoll għal dawk li jmorru lura f'pajjiżhom wara li jkunu ħadmu f'pajjiż ieħor.

4.5.3

Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-persuni u tiġi promossa l-mobilità tal-forza tax-xogħol, l-UE qed tiżviluppa l-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali bil-għan li jiġu regolati r-rabtiet bejn is-sistemi nazzjonali, mingħajr ma jinbidel il-kontenut tar-regoli tagħhom.

4.5.4

Fl-iżvilupp ta’ dawn it-Trattati ġew ippubblikati r-regoli ta’ koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Fost oħrajn ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (Regolament Bażiku) u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 (Regolament ta’ Implimentazzjoni), li ġew issostitwiti bir-Regolament 883/2004 (22) (Regolament Bażiku) u bir-Regolament (KE) Nru 987/2009 (Regolament ta’ Implimentazzjoni). Bħalissa qed issir reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

4.5.5

Il-KESE beħsiebu joħroġ rapport iddettaljat hekk kif il-Kummissjoni tagħmel disponibbli l-proposta għal reviżjoni tar-Regolament 883/2004. Bħalma diġà ddikjara f'opinjoni preċedenti, il-qafas leġislattiv għandu jiġi adattat għar-realtà li qed tinbidel tad-dinja tax-xogħol, għall-forom ġodda ta' impjieg, u b'mod partikolari għall-forom ġodda ta' mobilità (23).

4.5.6

Il-KESE huwa tal-fehma li l-prinċipji tat-trattament indaqs, l-aggregazzjoni tal-perjodi, l-esportabbiltà tal-benefiċċji u d-determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli (prinċipjutal-uniċita) huma fundamentali għall-moviment ħieles tax-xogħol u għandhom jiġu żgurati f’kull reviżjoni futura tar-Regolament 883/2004.

4.5.7

Fir-rigward tal-moviment liberu ta’ persuni li qed ifittxu xogħol f’pajjiż ieħor, il-KESE jinnota d-dikjarazzjoni tat-13 ta’ Novembru 2015 tal-Kummissarju Thyssen f’Dublin: “Fil-fehma tagħna d-dritt għall-moviment ta’ dawk li qed ifittxu xogħol jeħtieġ ukoll li jiġi kkonfermat, partikolarment fid-dawl ta' ċifri tal-qgħad ferm differenti bejn l-Istati Membri. Madankollu, huwa essenzjali li dan ma jsirx għad-detriment tas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż ospitanti. B’kont meħud ta’ dan, nixtiequ nagħmluha possibbli li persuna li tispiċċa bla xogħol tieħu l-benefiċċji tal-qgħad tiegħu lejn pajjiż ieħor fejn ikun jista’ jkollu ċans ikbar li jsib impjieg. Dan huwa diġà possibbli llum għal perijodu ta’ 3 xhur. Il-Kummissjoni trid testendih għal 6 xhur.

4.5.8

Il-kumplessità tar-regolamentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jiġi żgurat li d-diversità tar-regolamenti statali ma tfixkilx il-moviment liberu kif ukoll iċ-ċarezza massima possibbli tal-informazzjoni sabiex ir-riċevituri tal-benefiċċji u l-intrapriżi jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Bl-istess mod għandhom jissaħħu l-użu tal-mezzi elettroniċi u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri b'tali mod li jitnaqqsu l-esiġenzi tal-informazzjoni għall-ħaddiema u l-intrapriżi.

Brussell, is-27 ta' April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali. (ĠU L 166, 30.4.2004 p. 1) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 05 Volum 05 p. 72-116).

(2)  Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).

(3)  Il-Kummissjoni Ewropea, Employment and Social Developments in Europe 2015 (L-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa 2015), p. 33.

(4)  Il-Kummissjoni Ewropea, Diskors mill-Kummissarju Marianne Tyssen dwar il-viżjoni tal-Ewropa għal mobilità ġusta tal-forza tax-xogħol, Dublin, 13.11.2015.

(5)  http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/borders-and-visas/schengen/reintroduction-border-control/index_en.htm.

(6)  Id-deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill Ewropew, dwar skema ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea u t-taqsima D tagħha dwar il-benefiċċji soċjali u l-moviment liberu.

(7)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom sabiex jiċċaqalqu u jirresjedu liberament fit-territorji tal-Istati Membri (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(8)  Id-Direttiva 2014/54/UE (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU L 128, 30.4.2014, p. 8).

(9)  ĠU C 424, 26.11.2014, p. 27; ĠU C 18, 19.01.2011, p. 74; ĠU C 228, 22.09.2009, p. 14.

(10)  Kummissjoni Ewropea, A fact finding analysis on the impact on the Member States social security systems of the entitlements of non active intra-EU migrants to special no contributory cash benefits and healthcare granted on the basis of residence

(11)  Giuletti Corrado, IZA-World of Labor, The welfare magnet hypothesis and the welfare take-up of migrants, p. 5.

(12)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 65, ĠU C 424, 26.11.2014, p. 27; ĠU C 18, 19/01/2011, p. 74ĠU C 228, 22.09.2009, p. 14.

(13)  Op. cit.

(14)  Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”), ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.

(15)  Il-Kummissjoni Ewropea, Study on wage setting systems and minimum rates of pay applicable to posted workers in accordance with Directive 96/71/EC in a selected number of Member States and sectors. Final Report.

(16)  Ibid., pp. 18-20.

(17)  Op. cit.

(18)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 61.

(19)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Programm ta' ħidma għall-2016, COM(2015) 610 final.

(20)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi, COM/2016/0128 final.

(21)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar spezzjonijiet tax-xogħol effikaċi bħala strateġija biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa, P7_TA(2014)0012.

(22)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali. (ĠU L 166, 30.4.2004 p. 1) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 05 Volum 05 p. 72-116).

(23)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 14.


20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-integrazzjoni tar-refuġjati fl-UE”

(Opinjoni esploratorja)

(2016/C 264/03)

Relatur:

is-Sinjura Christa SCHWENG

Korelatur:

is-Sur Panagiotis GKOFAS

F’ittra datata s-16 ta’ Diċembru 2015, il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u l-Impjieg, f’isem il-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill tal-UE u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar

L-integrazzjoni tar-refuġjati fl-UE

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar tal-4 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’232 vot favur, 3 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

Il-presidenza Netherlandiża ressqet ir-raġunijiet għat-talba tagħha kif ġej:

L-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin jiffaċċjaw il-wasla massiva attwali ta’ refuġjati ġeneralment mingħajr ma huma mħejjija sewwa. Madankollu, l-għadd ta’ persuni li qegħdin jaslu huwa biss frazzjoni ta’ dawk li qegħdin jiċċaqilqu globalment u mhux mingħajr preċedent fl-istorja Ewropea riċenti. Jeħtieġ li l-livelli kollha tal-gvern u ħafna organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jikkooperaw flimkien sabiex ikunu jistgħu jilqgħu lir-refuġjati u jassiguraw l-integrazzjoni tagħhom ladarba jingħataw l-istatus ta’ protezzjoni tagħhom. L-approċċ, il-benefiċċji u l-livell tar-rispons organizzattiv ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Jistgħu jinstabu eżempji ta’ prattika tajba f’diversi bażijiet ta’ data, li jistgħu jservu bħala bażi għal analiżi aktar profonda.

L-opinjoni esploratorja għandha l-għan li tfassal rakkomandazzjonijiet, billi tibbaża fuq l-esperjenzi attwali u tfittex l-ispirazzjoni minn żoni ġeografiċi u żminijiet oħrajn li ġarrbu l-wasla ta’ refuġjati u migranti oħrajn fuq skala komparabbli jew ferm akbar, b’enfasi fuq ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Hija għandha tindirizza mistoqsijiet bħal: X’inhuma l-aqwa mudelli ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili? X’inhuma l-approċċi innovattivi li jeżistu diġà? Kif jistgħu jiġu ttrasferiti f’kuntesti oħrajn?

2.   Rakkomandazzjonijiet

2.1

Il-KESE huwa konvint li l-integrazzjoni hija neċessità għas-soċjetajiet tagħna jekk irridu nippreservaw il-koeżjoni soċjali.

2.2

Skont il-KESE, jeħtieġ li jiġu implimentatit minnufih sistema Ewropea komuni tal-Asil, kif ukoll riforma profonda tar-Regolament ta’ Dublin u pjan Ewropew għall-migrazzjoni, sabiex ikunu effettivi u jreġġgħu lura l-fiduċja fil-valuri tas-soċjetajiet tagħna.

2.3

Il-KESE jirrimarka li l-integrazzjoni hija proċess bidirezzjonali. L-aqwa prattiki fil-politiki dwar l-integrazzjoni mhumiex immirati biss għar-refuġjati, iżda jinkludu wkoll liċ-ċittadini lokali. Approċċ bħal dan huwa kruċjali għall-aċċettazzjoni tal-miżuri tal-integrazzjoni. Il-midja, l-awtoritajiet lokali, it-trejdunjins, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u l-NGOs għandhom rwol importanti f’dan il-proċess. Sabiex tinħoloq klima pożittiva fil-konfront tar-refuġjati fil-pajjiżi riċeventi - speċjalment fi żminijiet meta huwa mistenni biss tkabbir ekonomiku baxx u meta f’xi pajjiżi jeżistu swieq tax-xogħol b’numru limitat ta’ ħaddiema - għandhom jiġu pprovduti miżuri ta’ integrazzjoni u investimenti soċjali kemm lill-popolazzjoni lokali kif ukoll lir-refuġjati, li jkunu jkopru l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull grupp fil-mira.

2.4

It-taħriġ lingwistiku għandu jingħata malajr wara r-reġistrazzjoni, f’każ li tkun mistennija deċiżjoni pożittiva dwar l-istatus ta’ asil. Dan it-taħriġ għandu jinkludi wkoll informazzjoni bażika dwar il-valuri, il-kulturi u l-proċessi, kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ ħiliet u kwalifiki. Is-Cedefop tista’ tgħin fl-iżvilupp ta’ metodi biex jiġu identifikati l-ħiliet miksuba fil-pajjiż tal-oriġini.

2.5

Il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni speċjali lill-minorenni, b’mod partikolari dawk mhux akkumpanjati, li ta’ spiss ikunu trawmatizzati u jkunu jeħtieġu appoġġ soċjopedagoġiku. Għandhom jiġu pprovduti integrazzjoni malajr fis-sistema tal-iskola jew gwida dwar l-opportunitajiet ta’ taħriġ professjonali.

2.6

Il-KESE jenfasizza li r-refuġjati għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi ġenerali fis-soċjetà ospitanti u dwar is-suq tax-xogħol b’mod partikolari. Ir-refuġjati għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadini lokali fis-suq tax-xogħol, sabiex jiġu evitati l-kompetizzjoni inġusta u d-dumping tal-pagi u soċjali.

2.7

Il-KESE jtenni t-tifħir tiegħu għas-solidarjetà murija minn segmenti tas-soċjetà ċivili, trejdjunjins, organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, individwi privati u intrapriżi, b’mod partikolari SMEs mikro u artiġjanali, li volontarjament għenu lil dawk li kienu qegħdin ifittxu l-asil. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni u s-sostenn ta’ impenji individwali bħal dawn permezz ta’ inċentivi adatti, b’mod partikolari waqt emerġenzi umanitarji, filwaqt li tiġi promossa s-solidarjetà fis-soċjetà ċivili.

2.8

Il-KESE jisħaq dwar il-ħtieġa li l-UE tibbaża r-rispons immedjat tagħha għas-sitwazzjoni fuq is-solidarjetà u t-tqassim tar-responsabbiltajiet u l-ispejjeż b’mod ġust, kif stipulat fl-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

2.9

L-Istati Membri, u l-awtoritajiet kompetenti tal-UE, inkluż il-pajjiżi ta’ “tranżitu”, għandhom jikkooperaw mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ, l-aġġornament tad-data u l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni, sabiex ikollhom politika tal-asil komuni tal-UE aktar effettiva. Għandhom jiġu żviluppati sistemi ta’ statistika komuni, armonizzati u aġġornati sabiex jiddefinixxu l-alternattivi ta’ politika tal-UE u tal-Istati Membri.

2.10

Jinħtieġu sforzi akbar mil-lat tal-investiment bil-għan li jitħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku u l-impjieg fil-qafas tal-Pjan Juncker sabiex ir-refuġjati jkunu jistgħu jiġu integrati b’suċċess u b’mod dewwiemi. Għandu jingħata investiment addizzjonali għal miżuri ta’ integrazzjoni u investimenti soċjali kemm lill-popolazzjoni lokali kif ukoll lir-refuġjati, li jkopru l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull grupp fil-mira. Il-KESE osserva l-effetti pożittivi potenzjali ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji għall-finanzi pubbliċi, permezz tal-iżgurar ta’ kontribuzzjoni aktar ġusta mis-settur finanzjarju. Minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, u b’konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, l-ispejjeż addizzjonali għall-akkoljenza tar-refuġjati m’għandhomx, wara analiżi bir-reqqa, ikunu rikonoxxuti fid-defiċits pubbliċi tal-Istati Membri. L-investiment fil-miżuri ta’ integrazzjoni fih spejjeż kbar fi żmien qasir u medju, iżda għandu jitqies bħala investiment fil-persuni, li jħalli l-frott fit-tul. Jekk l-integrazzjoni tirnexxi, din twassal għal koeżjoni soċjali, tkabbir ekonomiku u ħolqien tal-impjiegi. Bl-istess mod, ir-riżorsi tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni kif ukoll dawk tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), partikolarment fl-Istati Membri li jkunu laħqu l-kwota tar-refuġjati, għandhom jiżdiedu kif meħtieġ, sabiex ikun jista’ jsir kofinanzjament aħjar ta’ miżuri ta’ integrazzjoni tar-refuġjati.

3.   Sfond

3.1

Il-kunflitti fil-Lvant Nofsani kkawżaw influss mingħajr preċedent ta’ refuġjati fl-Ewropa. Taħlita ta’ persuni minn pajjiżi mifnija bil-gwerra u oħrajn li riedu jħallu pajjiżhom għal raġunijiet ekonomiċi. Il-Pajjiżi Ewropej kollha ffirmaw il-“Konvenzjoni ta’ Ġinevra” tal-1951 b’rabta mal-istatus tar-refuġjati, li tagħti drittijiet bażiċi lir-refuġjati għall-protezzjoni ta’ dan il-grupp vulnerabbli. Fid-dawl tan-numru kbir ta’ persuni u sabiex tinkiseb konformità mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u mal-prinċipji ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem, huwa importanti li ssir distinzjoni ċara bejn migranti ekonomiċi u refuġjati, jiġifieri persuni li għandhom bżonn status ta’ protezzjoni (b’mod partikolari asil jew protezzjoni sussidjarja).

3.2

Filwaqt li, minn perspettiva individwali, wieħed jista’ jifhem totalment li individwi jħallu pajjiżhom sabiex isibu ċirkostanzi ekonomiċi aħjar barra mill-pajjiż, is-sitwazzjoni attwali u l-klima tas-soċjetà fil-maġġoranza tal-Istati Membri jirrikjedu din id-distinzjoni ċara. Il-migranti ekonomiċi għandhom jerġgħu lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom jekk jitolbu status ta’ protezzjoni abbażi ta’ raġunijiet mhux ġustifikati. Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn, kif ukoll il-manwal dwar ir-ritorn għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri f’dawk il-każijiet fejn it-talba għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet rifjutata.

3.3

Dan jirrikjedi sistema Ewropea komuni tal-asil bi protezzjoni effikaċi fil-fruntieri esterni, reġistrazzjoni adatta fl-hekk imsejħa żoni kritiċi (hotspots), ipproċessar minnufih tat-talbiet għall-asil u jekk ma jingħata l-ebda status ta’ protezzjoni internazzjonali f’każ ta’ rifjut tal-applikazzjoni, ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew lejn pajjiż terz li miegħu jkun ġie konkluż ftehim ta’ riammissjoni. Jista’ jkun ukoll sinifikanti u effettiv li jiġu stabbiliti żoni kritiċi fil-pajjiżi terzi bi fruntieri mal-UE u li għandhom ftehimiet dwar il-politika tal-migrazzjoni għar-reġistrazzjoni u t-talba għall-asil.

3.4

L-avvenimenti li seħħew matul it-tieni nofs tal-2015 urew li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ spiss jiġu fl-Ewropa b’aspettattivi foloz u tamiet sbieħ tal-ħajja fl-UE, li ġeneralment jingħataw mill-kuntrabandisti. Meta jiġu wiċċ imb’wiċċ mar-realtà, ir-reazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi tkun waħda ta’ diżappunt u, f’xi każijiet, jerġgħu lura lejn arthom volontarjament. Fil-qafas ta’ programm ta’ ritorn voluntarju, il-parteċipanti jistgħu jikkontribwixxu sabiex jagħtu stampa aktar realistika tal-ħajja Ewropea liċ-ċittadini tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom, li tista’ twaqqaf lil oħrajn milli jimbarkaw fuq il-vjaġġ perikoluż lejn l-Ewropa.

3.5

Minbarra l-ħtieġa li s-sistema Ewropea komuni tal-asil tkun operattiva bis-sħiħ, sabiex tiġi stabbilita kondiviżjoni ġusta u sostenibbli tal-piżijiet u sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq is-sistema tal-asil attwali, jeħtieġ li jiġi adottat bla xkiel approċċ Ewropew ġdid għall-migrazzjoni, kif ukoll tiġi adottata riforma profonda tar-Regolament ta’ Dublin li tkun tista’ tindirizza l-isfidi immedjati u fit-tul, kif tħabbar mill-President Juncker għall-ewwel trimestru tal-2016. Il-KESE se jesprimi l-fehmiet tiegħu f’opinjoni separata.

3.6

Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-refuġjati, li ġiet adottata f’Diċembru 2015, il-KESE enfasizza li “s-sitwazzjoni attwali teħtieġ li l-UE tiżviluppa kurituri umanitarji siguri għar-refuġjati minn pajjiżi milquta mill-gwerer u mhedda mit-terroriżmu u dan għandu jsir flimkien mal-pajjiżi fejn dawn ir-refuġjati huma kkonċentrati l-aktar”. Il-KESE jtenni li l-proċess ta’ reġistrazzjoni għandu diġà jkun qiegħed iseħħ barra l-UE.

3.7

Il-gwerer, it-tibdil fil-klima u n-nuqqas ta’ prospetti f’pajjiżi terzi jistgħu joħolqu influss kontinwu u saħansitra akbar ta’ refuġjati u migranti. Il-limitazzjoni tal-fatturi li jikkawżaw il-migrazzjoni b’mod ġenerali hija sfida globali. Madankollu, l-opinjoni preżenti hija ddedikata biss għall-integrazzjoni tal-individwi mogħtija status ta’ protezzjoni jew individwi li japplikaw għal dan l-istatus.

4.   Komparabbiltà ma’ movimenti tar-refuġjati fil-passat?

4.1

Il-presidenza Netherlandiża talbet sabiex jiġu misluta tagħlimiet ta’ integrazzjoni minn kriżijiet preċedenti li ġġeneraw movimenti kbar ta’ refuġjati. Il-KESE wasal għall-konklużjoni li l-kriżi tar-refuġjati attwali mhijiex komparabbli ma’ dawk preċedenti, l-ewwel nett minħabba l-għadd ta’ persuni li qegħdin jiċċaqilqu, fejn matul l-2015 kien hemm aktar minn 900 000 migrant li daħlu fil-fruntieri tal-UE mill-Greċja u, it-tieni, minħabba r-rapidità tal-evoluzzjoni, li twassal għal żieda fl-inċertezza fost il-popolazzjoni lokali. Jekk inħarsu, pereżempju, lejn il-każ tal-Awstrija, li fil-bidu tas-snin 90 laqgħet madwar 90 000 refuġjat li ħarbu mill-gwerra fl-eks-Jugoslavja, wieħed jista’ jara d-differenzi b’mod pjuttost ċar: il-persuni mill-Bożnija sikwit kellhom qraba fl-Awstrija, jew kienu diġà ħadmu hemmhekk. Il-kwalifiki miksuba fil-pajjiż tal-oriġini kienu ta’ valur immedjat għall-kumpaniji Awstrijaċi u n-nisa kienu diġà familjari mal-involviment sħiħ fis-suq tax-xogħol. Dan kompla jżid l-introjtu tal-familji u għamel lill-familji aktar mobbli, li b’hekk ipprevjena l-ħolqien ta’ żoni speċifiċi u ffavorixxa taħlita soċjali aħjar fl-iskejjel u fis-suq tax-xogħol.

4.2

L-esperjenzi mis-sitwazzjoni fis-snin 90 mhumiex komparabbli għal kollox mas-sitwazzjoni tal-lum. Il-persuni li qed jaslu issa ġejjin minn sitwazzjonijiet aktar varji, b’xi wħud li għandhom kwalifiki akkademiċi komparabbli ma’ dawk Ewropej, oħrajn għandhom edukazzjoni li tista’ ma tkunx ta’ użu immedjat fl-Ewropa, filwaqt li oħrajn għandhom edukazzjoni limitata ħafna u ħafna nisa qatt ma pparteċipaw fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, il-persuni fil-pajjiżi riċeventi, li għadhom qegħdin isofru r-riperkussjonijiet tal-kriżi ekonomika, għandhom it-tendenza li jkunu aktar riservati fil-konfront tal-persuni barranin li qegħdin jikkompetu magħhom fis-suq tax-xogħol.

5.   X’inhi l-Integrazzjoni?

5.1

Skont il-UNHCR, ma hemm ebda kunsens dwar id-definizzjoni ta’ integrazzjoni tal-immigranti fil-kuntest tal-pajjiżi żviluppati u ma teżisti ebda definizzjoni formali fil-liġi internazzjonali dwar ir-refuġjati. Ħafna tentattivi akkademiċi u governattivi sabiex jagħtu definizzjoni ta’ integrazzjoni jew soċjetà integrata jibbażaw fuq fehim wiesa’ dwar l-integrazzjoni f’termini operattivi, individwali u bidirezzjonali.

5.2

“Fil-qalba tad-definizzjoni tal-UNHCR hemm il-kunċett tal-integrazzjoni bħala proċess bidirezzjonali u dan huwa bbażat fuq il-premessa ta’ “adattament” minn parti waħda u “merħba’ mill-oħra. Madankollu, din ma titlobx lir-refuġjati jwarrbu l-identità kulturali tagħhom u, għalhekk, l-integrazzjoni hija differenti minn assimilazzjoni” (1). Din id-definizzjoni tikkorrispondi mal-opinjoni tal-KESE (2).

5.3

Il-KESE enfasizza l-ħtieġa li l-integrazzjoni tintrabat mal-valuri u l-prinċipji stabbiliti fit-Trattat, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, fl-aġenda Ewropa 2020, fil-politika tal-impjiegi u fl-aġenda soċjali. Il-KESE jqis li din ir-referenza hija ta’ importanza kruċjali, peress li tikkunsidra l-eżistenza ta’ kriżi ta’ valuri f’ċerti setturi soċjali u politiċi fl-Ewropa. L-integrazzjoni u l-koeżjoni ekonomika u soċjali huma żewġ uċuħ tal-istess munita (3). L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien u prospetti diċenti għal kulħadd se jrawwem l-aċċettazzjoni tal-miżuri ta’ integrazzjoni.

5.4

Il-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Politika dwar l-Integrazzjoni tal-Immigranti (2004) u l-mezz għall-implimentazzjoni tagħhom, jiġifieri l-Aġenda Komuni għall-Integrazzjoni (2005), jifformaw il-bażi li fuqha tissawwar l-integrazzjoni tal-migranti fl-UE u jqisu l-integrazzjoni bħala li tikkonsisti minn dawn li ġejjin:

proċess dinamiku, bidirezzjonali;

l-implikazzjoni tar-rispett għall-valuri tal-UE;

l-impjieg jifforma parti fundamentali mill-integrazzjoni u huwa ċentrali għall-parteċipazzjoni;

l-għarfien tal-lingwa, tal-istorja u tal-istituzzjonijiet tas-soċjetà riċeventi huwa integrali għal integrazzjoni b’suċċess;

L-edukazzjoni li hija kruċjali għall-parteċipazzjoni attiva;

l-aċċess għall-istituzzjonijiet, għall-prodotti u għas-servizzi fuq l-istess bażi bħaċ-ċittadini nazzjonali huwa fundamentali għall-integrazzjoni;

l-interazzjoni bejn il-migranti/iċ-ċittadini;

il-prattika ta’ kulturi u reliġjonijiet differenti għandha tiġi ssalvagwardjata;

il-parteċipazzjoni fil-proċess demokratiku;

l-integrazzjoni tal-politiki dwar l-integrazzjoni;

miri, indikaturi u mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni ċari għall-aġġustament tal-politika dwar l-integrazzjoni.

5.5

Għalkemm dawn il-prinċipji ma jiddistingwux bejn integrazzjoni tal-migranti u integrazzjoni tar-refuġjati, il-KESE jqis ukoll dawn il-prinċipji bħala bażi għall-integrazzjoni tar-refuġjati. Madankollu, minħabba l-għadd kbir ta’ persuni li jaslu fl-Ewropa, huma meħtieġa sforzi addizzjonali sabiex jiġu pprovduti taħriġ fil-lingwi, akkomodazzjoni u integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

5.6

Sabiex tinħoloq klima pożittiva lejn ir-refuġjati fil-pajjiżi riċeventi - speċjalment fi żminijiet meta huwa previst tkabbir ekonomiku limitat u meta jeżistu swieq tax-xogħol b’nuqqas ta’ ħaddiema f’xi pajjiżi - għandhom jiġu pprovduti miżuri ta’ integrazzjoni u investimenti soċjali kemm lill-popolazzjoni lokali kif ukoll lir-refuġjati, li jkunu jkopru l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull grupp fil-mira. L-importanza tal-konnessjoni u l-integrazzjoni tal-objettivi soċjali fil-kuntest tal-integrazzjoni diġà kienet iddikjarata mill-KESE (4).

5.7

Il-KESE huwa konvint li l-integrazzjoni tar-refuġjati hija ħtieġa assoluta għas-soċjetajiet tagħna jekk irridu nippreservaw il-koeżjoni soċjali. Nuqqas ta’ integrazzjoni jista’ jwassal għal soċjetajiet paralleli, li jistgħu jiddistabbilizzaw lill-pajjiżi riċeventi. Għalhekk, huwa fl-interess tagħna li nibdew nimplimentaw miżuri ta’ integrazzjoni minn stadju bikri ħafna. Il-midja għandhom jitħeġġu jirrikonoxxu l-importanza tal-integrazzjoni u tar-rwol li jaqdu fil-ħolqien ta’ klima politika u soċjetali pożittiva.

5.8

L-iżviluppi demografiċi fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej juru tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol. Sabiex is-sistemi soċjali tagħna jinżammu sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, l-integrazzjoni tal-forza tax-xogħol kollha fis-suq tax-xogħol, irrispettivament, pereżempju, mill-ġeneru, l-età, l-abbiltà fiżika, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali jew l-oriġini (etnika) għandha ssir prijorità. L-investiment fil-miżuri ta’ integrazzjoni fih spejjeż kbar fi żmien qasir u medju, iżda għandu jitqies bħala investiment fil-persuni, li jħalli l-frott fit-tul. Jekk l-integrazzjoni tirnexxi, din twassal għal koeżjoni soċjali, tkabbir ekonomiku u ħolqien tal-impjiegi.

5.9

Il-livell lokali għandu rwol deċiżiv fl-integrazzjoni, peress li dan huwa l-post fejn il-persuni jgħixu flimkien u fejn jibda jidher l-ewwel in-nuqqas ta’ integrazzjoni. Il-komunitajiet għandhom jieħdu pariri u gwida dwar il-miżuri ta’ integrazzjoni li jiffunzjonaw tajjeb, pereżempju, billi r-refuġjati jiġu mistiedna jipparteċipaw f’assoċjazzjonijiet volontarji lokali (pereżempju trejdunjins, NGOs, pumpiera jew klabbs sportivi).

5.10

Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-integrazzjoni (5) fih minjiera ta’ informazzjoni dwar eżempji ta’ integrazzjoni. Permezz tal-użu ta’ filtri tat-tiftix jistgħu jinstabu eżempji tal-aħjar prattika, skont, pereżempju, il-pajjiż, il-qasam tal-integrazzjoni, il-grupp fil-mira. Dan is-sit web għandu jiġi promoss aktar sabiex jispira lill-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-NGOs u l-imsieħba soċjali dwar attivitajiet ta’ integrazzjoni

5.11

Abbażi ta’ proposta mill-KESE, diġà hemm fis-seħħ kollaborazzjoni strutturata bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-KESE u l-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni, li jittratta l-kwistjonijiet kollha relatati mal-migrazzjoni, l-asil u l-integrazzjoni. Barra minn hekk, jista’ jkun utli li l-mandat tal-kumitat konsultattiv dwar il-moviment liberu tal-persuni jiġi estiż għall-integrazzjoni tar-refuġjati, billi dan huwa l-korp li permezz tiegħu l-gvernijiet jiddiskutu u jiskambjaw l-ideat mal-imsieħba soċjali. Dan il-kumitat jista’ jipprovdi spazju addizzjonali għall-iskambju tal-aqwa prattiki.

6.   Miżuri ta’ integrazzjoni

6.1

Il-persuni li qegħdin ifittxu l-asil li jaslu fl-Ewropa (fil-biċċa l-kbira tal-każijiet) wara vjaġġ eżawrjenti u sikwit trawmatizzanti jkollhom bżonn, l-ewwel u qabel kollox, post fejn joqogħdu u jistrieħu. Dan iż-żmien għandu jintuża mill-awtoritajiet sabiex jirreġistrawhom kif suppost u jevalwaw bejn wieħed u ieħor jekk dawn għandhomx ċans li jirċievu l-istatus ta’ refuġjati. F’dan il-każ, il-miżuri ta’ integrazzjoni għandhom jibdew minn stadju bikri ħafna. Skont riċerka riċenti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, hemm bżonn ta’ ħarsien tas-sigurtà medika speċjali għar-refuġjati li żviluppaw Disturb minn Stress Postrawmatiku, billi spiss dan huwa wieħed mill-iktar ostakli għaljin għad-dinamika tal-integrazzjoni.

6.2

Wieħed ma jistax jaħseb dwar integrazzjoni mingħajr ma jkollu tal-inqas għarfien bażiku tal-lingwa tal-pajjiż riċeventi. Għalhekk, it-taħriġ lingwistiku għandu jibda mill-aktar fis possibbli matul il-proċedura tal-asil. Dan jirrikjedi l-ħolqien ta’ strutturi ġodda kif ukoll ġestjoni tal-interfaċċja mtejba sabiex ilaħħqu mal-għadd kbir ta’ persuni li jfittxu asil. Il-korsijiet tal-lingwa għandhom jintużaw ukoll biex il-persuni li jkunu qed ifittxu l-asil jiffamiljarizzaw ruħhom mal-valuri (eż. it-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa, il-libertà tal-espressjoni, il-projbizzjoni ta’ vjolenza domestika) u l-kultura tal-pajjiż riċeventi. Dawn il-korsijiet jistgħu jintużaw ukoll sabiex il-persuni li qegħdin ifittxu l-asil jingħataw gwida bażika dwar l-aspetti tal-organizzazzjonijiet, l-istituzzjonijiet u t-tagħrif li jistgħu jirrikorru għalihom meta jinqalgħu problemi. Il-persuni li qegħdin ifittxu l-asil ta’ spiss ikunu ġejjin minn kulturi differenti ħafna. L-azzjonijiet li jirriżultaw minn nuqqas ta’ għarfien dwar il-valuri, id-drittijiet u l-obbligi bażiċi tal-pajjiżi riċeventi jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-integrazzjoni.

6.3

It-tfal refuġjati għandhom jattendu l-iskejjel flimkien mat-tfal lokali mill-aktar fis possibbli u jingħataw appoġġ sabiex jitgħallmu l-lingwa nazzjonali. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-minorenni, b’mod partikolari dawk mhux akkumpanjati, li ta’ spiss ikunu sfaw trawmatizzati. Jekk - minħabba l-età tagħhom - ma jitħallewx jibqgħu jattendu l-iskola, għandhom jiġu pprovduti alternattivi adatti ddisinjati apposta għal dan il-grupp sabiex tiġi evitata l-frustrazzjoni. L-Istati Membri għandhom ikunu konxji tal-ħtiġijiet speċjali tat-tfal trawmatizzati u tal-minorenni mhux akkumpanjati u joffru appoġġ soċjopedagoġiku, (pereżempju, il-belt ta’ Vjenna tipprova tqiegħed lit-tfal mhux akkumpanjati fil-foster care bl-użu tal-oqfsa eżistenti).

6.4

L-identifikazzjoni u l-klassifikazzjoni bikrija taċ-ċertifikati, tal-ħiliet u tal-kwalifiki huma essenzjali f’termini tal-garanzija ta’ integrazzjoni rapida fis-suq tax-xogħol. Sa mill-bidu ta’ proċedura tal-asil għandhom jiġu identifikati l-ħiliet u l-kwalifiki professjonali tal-persuna li qed tfittex l-asil, bl-involviment ta’ esperti fis-suq tax-xogħol. Dawn l-aspetti huma indispensabbli għall-promozzjoni tal-lingwa fil-mira, il-bidu ta’ kors ta’ taħriġ, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, il-provvediment tal-kwalifiki sekondarji meħtieġa u l-akkwist effettiv ta’ impjieg adatt. Madankollu, l-identifikazzjoni tal-ħiliet tista’ tkun proċess diffiċli ħafna. Ħafna refuġjati lanqas biss ikollhom id-dokumenti personali tagħhom magħhom, aħseb u ara l-attestazzjonijiet jew iċ-ċertifikati li jipprovdu evidenza tal-livell tal-kwalifiki tagħhom. Stati Membri differenti (eż. il-Ġermanja, l-Awstrija) qegħdin jiżviluppaw metodi differenti sabiex jivvalutaw il-ħiliet u l-kompetenzi. Is-Cedefop tista’ tipprovdi pjattaforma għat-tagħlim reċiproku u skambju ta’ prattiki tajba f’dan il-qasam.

6.5

Il-proċeduri tal-asil sikwit jieħdu żmien twil ħafna, tant li jħallu lill-persuna li tkun qed tfittex l-asil f’pożizzjoni ta’ inċertezza. Perjodi twal li matulhom il-persuna li tfittex l-asil ma tkunx tista’ tgħix ħajja ddeterminata minnha stess jistgħu jikkawżaw instabbiltà psikosoċjali, telf ta’ fiduċja fiha innifisha u sindrome ta’ dipendenza, li jistgħu jimpedixxu l-opportunitajiet ta’ impjieg anke wara li l-persuna tiġi rikonoxxuta bħala refuġjat. It-tfal ikunu affettwati saħansitra aktar minħabba li jeħtieġu ambjent stabbli. Għalhekk, il-KESE jappella lill-Istati Membri sabiex jiddeċiedu dwar il-proċeduri tal-asil mill-aktar fis possibbli. Skont l-OECD (6), fir-rigward tal-appoġġ għall-integrazzjoni tal-persuni li qegħdin ifittxu l-asil, il-proċeduri tal-asil fil-Greċja, il-Belġju u d-Danimarka huma l-iqsar, u jinkludu taħriġ fil-lingwa flimkien ma’ edukazzjoni tal-adulti u taħriġ relatat max-xogħol.

6.6

Fir-rigward tat-tkabbir ekonomiku pproġettat u s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol, il-pajjiżi jistgħu jipprovaw miżuri maħsuba biex inaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija għall-aċċess għas-suq tax-xogħol. Filwaqt li l-Ġermanja u l-Ungerija diġà naqqsu l-ħinijiet ta’ stennija għall-aċċess għax-xogħol, il-Finlandja, il-Belġju u l-Lussemburgu ħadu xi azzjoni sabiex inaqqsuhom. Regolamenti ġusti, trasparenti u raġonevoli li jagħtu aċċess lill-persuni li qegħdin ifittxu l-asil għas-suq tax-xogħol jipprevjenu l-impjieg mhux iddikjarat u jżidu l-aċċettazzjoni fost iċ-ċittadini lokali. Fl-istess ħin, il-persuni bi status ta’ protezzjoni għandu jkollhom il-prospett li jibqgħu fil-pajjiż ospitanti, jekk ikunu integrati fis-suq tax-xogħol jew fis-soċjetà ospitanti. Dawk li jfittxu l-asil għandhom ikunu konxji li l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol jiddependi mill-pajjiż li fih huma jkunu talbu asil. Minħabba nuqqas ta’ għarfien, xi wħud jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra bit-tama li jsibu xogħol hemm. Fir-realtà jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ irregolarità, li faċilment tista’ tiġi evitata permezz ta’ informazzjoni adatta.

6.7

L-akkomodazzjoni hija importanti ħafna fir-rigward tal-integrazzjoni: iċ-ċentri ta’ akkoljenza jissodisfaw il-ħtieġa immedjata għal post ta’ mistrieħ (u sikwit għal perjodu ferm itwal milli ppjanat), iżda permanenzi itwal jagħmlu l-integrazzjoni aktar diffiċli. Fl-Awstrija ġie stabbilit il-proġett “Kosmopolis” sabiex tiġi pprovduta akkomodazzjoni privata. F’żona mibnija ġdida, numru partikolari ta’ appartamenti jiġu riservati għal refuġjati li jkunu diġà qegħdin jaħdmu. Sabiex jiġi evitat kull nuqqas ta’ ftehim bejn ir-refuġjati u persuni oħrajn li jgħixu hemmhekk, twaqqaf ċentru ta’ informazzjoni f’dawk l-inħawi. Fil-Portugall, protokoll bejn il-muniċipalità ta’ Lisbona u l-NGOs Portugiżi ppermetta l-provvediment ta’ akkomodazzjoni għar-refuġjati u aċċess għas-servizzi tal-muniċipalità rigward it-taħriġ, l-edukazzjoni u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol (7).

6.8

Wara deċiżjoni pożittiva dwar l-istatus tal-asil, ir-refuġjat ikun irid isib akkomodazzjoni huwa stess. Dan il-perjodu sikwit ikun diffiċli ħafna, minħabba li l-appoġġ li jkun ingħata fil-bidu mill-Istat jiġi fi tmiemu u r-refuġjat ikollu jsib impjieg bl-istess mod bħaċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiż riċeventi.

6.9

Is-servizz pubbliku tal-impjiegi għandu rwol partikolari f’dan il-kuntest. L-ewwel u qabelxejn, huwa għandu jaqdi b’mod attiv ir-rwol tiegħu bħala faċilitatur ta’ impjiegi sostenibbli. Iżda huwa jrid jiddeċiedi wkoll dwar kwalifiki addizzjonali li r-refuġjat jista’ jkollu bżonn jikseb jekk irid jirnexxi fis-suq tax-xogħol. Ta’ min jinnota u jieħu f’kunsiderazzjoni li, anki wara r-raba’ sena tal-permanenza, huma biss 25 % tar-refuġjati li jiġu impjegati; u saħansitra sal-għaxar sena dan il-perċentwal ma jaqbiżx il-50 % (8). Jista’ jiġi konkluż kuntratt ta’ integrazzjoni individwali ma’ kull refuġjat, li jkun fih l-azzjonijiet rilevanti li jridu jittieħdu (taħriġ addizzjonali, in-numru ta’ applikazzjonijiet, eċċ.) għal integrazzjoni sħiħa fis-suq tax-xogħol. Il-KESE jenfasizza li r-refuġjati għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadini lokali fis-suq tax-xogħol, sabiex jiġu evitati kemm il-kompetizzjoni inġusta kif ukoll id-dumping tal-pagi u soċjali. Jekk refuġjat ma jkollu ebda ċans li jsib impjieg fi żmien raġonevoli, alternattiva tajba tista’ tkun li jiġi offrut volontarjat għal servizz fil-komunità. Dan jista’ jgħin lir-refuġjat jikseb ħiliet lingwistiċi addizzjonali u jintegra fis-soċjetà.

6.10

Eżempju tajjeb huwa dak tal-Ġermanja, li riċentament iddeċidiet li tintroduċi karta tal-identità speċifikament għall-persuni li qegħdin ifittxu asil. Wara li persuna tirreġistra għall-ewwel darba, il-karta ssir il-mezz ċentrali u obbligatorju ta’ identifikazzjoni u tkun marbuta ma’ bażi ta’ data ċentrali li tinkludi tagħrif bħall-isfond edukattiv u l-esperjenza professjonali tal-persuna.

6.11

Fost ir-refuġjati, kif ukoll fost il-popolazzjoni lokali, hemm persuni b’interessi u ħiliet intraprenditorjali. Dawn għandhom jingħataw tagħrif u gwida dwar kif jistgħu jibdew negozju u jibdew iħaddmu l-persuni magħhom.

6.12

Bħalissa qegħdin isiru diskussjonijiet fil-Ġermanja u fis-Slovakkja dwar kif ir-refuġjati bi kwalifiki għolja fi professjonijiet fejn hemm nuqqas ta’ ħiliet jistgħu jiddaħħlu fis-suq permezz ta’ proċeduri mgħaġġla.

6.13

Ir-refuġjati jeħtieġu tagħrif dwar is-suq tax-xogħol inġenerali, l-opportunitajiet ta’ taħriġ professjonali u dwar l-impjiegi disponibbli. Billi perċentwal għoli ta’ refuġjati huma ta’ età tipika ta’ studenti, jiġifieri bejn is-16 u l-25 sena, jeħtieġ li jiġu pprovduti tagħrif bażiku jew korsijiet ta’ tħejjija f’oqsma professjonali differenti qabel ikunu jistgħu jibdew it-taħriġ. Fil-Ġermanja, il-Kmamar tal-Kummerċ u tal-Industrija bdew inizjattivi sabiex jassistu fil-kollokamenti, pereżempju, intervisti fi stil ta’ laqgħat qosra ma’ bosta impjegaturi differenti f’avveniment wieħed. Il-Kmamar tal-Kummerċ u tal-Industrija Ġermaniżi jappoġġjaw lin-negozji sabiex jipprovdu kwalifiki u taħriġ għar-refuġjati permezz tal-proġett “Impenn għat-taħriġ”. Huma jipprovaw ukoll jattiraw sponsors volontarji sabiex jieħdu ħsieb kemm lir-refuġjati kif ukoll lill-intrapriżi, billi jagħtu pariri liż-żewġ naħat. Il-Kmamar tal-Kummerċ u tal-Industrija jipprovdu wkoll appoġġ lir-refuġjati li jridu jibdew in-negozju tagħhom.

6.14

Fl-Awstrija beda proġett li għandu l-għan li jqiegħed refuġjati żgħażagħ f’postijiet vakanti ta’ apprendistat bl-appoġġ mis-servizz pubbliku tal-impjiegi u minn kowċis. Jista’ jkun hemm perjodu ta’ taħriġ prattiku qabel jiġi ffirmat ftehim ta’ apprendistat formali. Barra minn hekk, is-Servizz Ferrovjarju Federali tal-Awstrija (ÖBB) nieda l-proġett “Id-diversità bħala opportunità (“Diversität als Chance”) u offra apprendistati għal 50 refuġjat mhux akkumpanjati ta’ bejn 15 u 17-il sena.

6.15

Sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ migranti bi kwalifiki għolja, il-Kamra Ekonomika Federali tal-Awstrija żviluppat il-programm “Mentoring għall-migranti”, li kien estiż għar-refuġjati bi kwalifiki għolja. Il-mentors huma persuni li huma integrati sewwa fis-suq tax-xogħol Awstrijak u li jappoġġjaw lill-migranti matul it-tfittxija tagħhom għax-xogħol billi jipprovdu tagħrif jew saħansitra aċċess għan-netwerk professjonali tagħhom stess. Dan il-programm jgħin ukoll sabiex jiġi evitat kull nuqqas ta’ ftehim kulturali.

6.16

F’għadd ta’ Stati Membri, l-hekk imsejħa “Refugee Buddies” jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet tar-refuġjati. Huma jinvolvu ruħhom volontarjament f’firxa varjata ta’ organizzazzjonijiet u jiltaqgħu regolarment ma’ refuġjat wieħed sabiex jibnu relazzjonijiet personali. Dan huwa aktar u aktar importanti minħabba li għadd kbir ta’ refuġjati huma minorenni mhux akkumpanjati, li ħallew familthom warajhom. Il-buddies jistgħu jaġixxu wkoll bħala sostenituri tar-refuġjati sabiex itejbu l-immaġini tagħhom f’pajjiżhom.

6.17

L-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali f’xi Stati Membri (eż. Spanja, Franza, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, l-Awstrija) appellaw lill-gvernijiet tagħhom sabiex jaħdmu b’mod aktar effettiv dwar l-integrazzjoni tar-refuġjati. Fi Spanja, ġiet inkluża miżura addizzjonali fil-politiki tal-Pjan Annwali għall-Impjiegi li kienet speċifikament immirata għall-integrazzjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol.

6.18

Id-Danimarka tuża l-hekk imsejjaħ “staircase model” għall-integrazzjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol: fl-ewwel pass (minn erba’ ġimgħat sa tmien ġimgħat) jiġu identifikati l-kompetenzi tar-refuġjat individwali u jiġu pprovduti lezzjonijiet tad-Daniż. Fit-tieni pass (26-52 ġimgħa), il-persuna li tkun qed titħarreġ titpoġġa f’intrapriża (mingħajr ebda spiża għal min iħaddem) u tingħata lezzjonijiet addizzjonali tad-Daniż. Wara dan il-proċess, ir-refuġjat ikun lest biex jibda jaħdem b’sussidju tal-paga. L-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn il-mudelli għandha trawwem il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg addizzjonali u tipprevjeni l-esklużjoni taċ-ċittadini lokali (mingħajr l-hekk imsejħa “revolving-door effects”).

6.19

Sabiex tiġi garantita kompetizzjoni ġusta, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-pagi, għandhom jiġu rrispettati b’mod sħiħ, irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-istatus ta’ ħaddiem (il-prinċipju tal-lex loci laboris). L-Istati Membri għandhom jiżguraw miżuri, mekkaniżmu u kapaċitajiet amministrattivi effikaċi sabiex jinfurzawh. It-trejdunjins jappoġġjaw lir-refuġjati jew lill-ħaddiema migranti li ma jkollhom ebda dokumentazzjoni meta jitolbu d-drittijiet tagħhom (“Ecole des solidarités” – il-Belġju, “UNDOK” – l-Awstrija).

7.   Il-finanzjament tal-integrazzjoni tar-refuġjati

7.1

Il-KESE jirrimarka li kull miżura għandha tiġi ffinanzjata adegwatament, sabiex b’hekk ikollha impatt pożittiv dejjiemi fuq is-soċjetà tagħna. Jinħtieġu sforzi akbar mil-lat tal-investiment bil-għan li jitħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku u l-impjieg fil-qafas tal-Pjan Juncker sabiex ir-refuġjati jkunu jistgħu jiġu integrati b’suċċess u b’mod dewwiemi. Għandhom jingħataw investiment addizzjonali għal miżuri ta’ integrazzjoni u investimenti soċjali kemm lill-popolazzjoni lokali kif ukoll lir-refuġjati, li jkopru l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull grupp fil-mira. Il-KESE osserva l-effetti pożittivi potenzjali ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji għall-finanzi pubbliċi, permezz tal-iżgurar ta’ kontribuzzjoni aktar ġusta mis-settur finanzjarju. Minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u b’konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, l-ispejjeż addizzjonali għall-akkoljenza tar-refuġjati ma għandhomx, wara analiżi bir-reqqa, ikunu rikonoxxuti fid-defiċits pubbliċi tal-Istati Membri (9).

7.2

L-Istati Membri tal-akkoljenza inizjali, bħalma huma l-Italja, Malta, Spanja u l-Greċja, għandhom jirċievu għajnuna ekonomika diretta għal kull refuġjat jew migrant sabiex ikunu jistgħu jipproċessaw b’mod preċiż u malajr l-applikazzjonijiet għal asil jew sabiex jagħmlu arranġamenti għar-ritorn f’każ li r-rekwiżiti għall-għoti tal-asil ma jiġux sodisfatti. L-Istati Membri li jassumu r-responsabbiltà biex jintegraw numru akbar ta’ refuġjati fis-soċjetajiet tagħhom minn kemm jintalbu skont il-prinċipju tas-solidarjetà, għandu jkollhom il-garanzija ta’ appoġġ finanzjarju mill-UE.

7.3

Ir-riżorsi finanzjarji tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għandhom jiżdiedu sabiex ikun hemm involviment akbar mal-Istati Membri fil-finanzjament għall-integrazzjoni tar-refuġjati, b’mod partikolari għal programmi mwettqa mill-awtoritajiet lokali u l-NGOs. Il-Fond Soċjali Ewropew għandu jiżdied ukoll kif xieraq biex jipprovdi għal aktar riżorsi biex jiffaċilita l-integrazzjoni soċjali tar-refuġjati, l-ugwaljanza tan-nisa, l-appoġġ għan-negozji u l-inklużjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol li jirrikjedu djalogu u kollaborazzjoni mal-imsieħba soċjali. Barra minn hekk, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għandu jaħdem b’riżorsi addizzjonali għal żoni urbani li jimplimentaw l-arranġamenti meħtieġa għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tar-refuġjati.

7.4

Għandha tiġi mistħarrġa il-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-finanzjament tal-integrazzjoni tar-refuġjati f’kooperazzjoni speċjali mal-UNHCR u mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni.

Brussell, is-27 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  A new beginning – Refugee integration in Europe (2013).

(2)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 131. ĠU C 347, 18.12.2010, p. 19.

(3)  Rapport ta’ Informazzjoni L-isfidi ġodda tal-integrazzjoni — Relatur: Luis Miguel PARIZA CASTAÑOS.

(4)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 19.

(5)  https://ec.europa.eu/migrant-integration/home.

(6)  Biex l-integrazzjoni taħdem, 28.1.2016, OECD.

(7)  Approaches towards the labour market integration of refugees in the EU, 7.1.2016, EurWORK.

(8)  Ara nota f’qiegħ il-paġna 6.

(9)  Dikjarazzjoni tal-KESE dwar ir-refuġjati.


20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/28


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE”

(2016/C 264/04)

Relatur:

is-Sur Vitas MAČIULIS

Fis-16 ta’ Diċembru 2015, il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tat-28 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’143 vot favur, 0 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet: Lejn politika tal-enerġija esterna konsolidata u reżiljenti fl-UE

1.1.

L-enerġija hija parti inseparabbli mill-politika internazzjonali, u bħalissa tinsab quddiem nett fl-aġenda tal-UE. Minħabba li xi atturi internazzjonali jipprovaw jużaw l-enerġija bħala għodda sabiex jilħqu l-għanijiet politiċi tagħhom, huwa fl-interess taċ-ċittadini tal-UE li din tibqa’ viġilanti fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-enerġija.

1.1.1.

Tliet fatturi huma essenzjali għad-dimensjoni esterna tal-enerġija: id-diversifikazzjoni, “nitkellmu b’vuċi waħda” u sistema tal-enerġija interna żviluppata tajjeb.

1.2.

Id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija tal-UE, il-fornituri u r-rotot hija essenzjali għall-politika esterna tal-enerġija. Kif enfasizzat fl-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE, sfida ewlenija għall-UE hija li aktar minn nofs l-enerġija kkunsmata tiġi mill-importazzjonijiet, li jridu jiġu żgurati bis-saħħa ta’ ċerti politiki tal-kummerċ.

1.2.1.

Iċ-ċirku tal-imsieħba fl-importazzjoni tal-enerġija għandu jitwessa’ billi jitfittxu u jiġu stabbiliti kontinwament djalogi ma’ fornituri tal-enerġija ġodda, affidabbli u prevedibbli.

1.2.2.

Proġetti ta’ infrastruttura ewlenin ġodda, li jikkontribwixxu għall-miri tad-diversifikazzjoni għandhom jilħqu l-objettivi tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija u jkunu f’konformità sħiħa mal-acquis tal-UE. Tali proġetti għandhom ikunu wkoll għalkollox konsistenti mal-għan li tiġi żviluppata sistema enerġetika deċentralizzata li fiha s-sorsi rinnovabbli jaqdu rwol fundamentali.

1.2.3.

Il-kooperazzjoni bejn ir-rappreżentanti ta’ setturi privati u politiċi għandha titħeġġeġ sabiex jinstabu l-aktar modi adatti u l-imsieħba l-iżjed xierqa għall-iżvilupp tal-enerġija esterna. L-objettivi ta’ sigurtà tal-enerġija u s-sostenibbiltà għandhom dejjem jiġu kkunsidrati.

1.3.

“Nitkellmu b’vuċi waħda” għandha tkompli tkun l-għan minkejja differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ taħlitiet ta’ enerġija, strutturi ta’ importazzjoni tal-enerġija u msieħba tradizzjonali. Pożizzjoni tal-UE interna komuni hija essenzjali għal dimensjoni esterna b’saħħitha.

1.3.1.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jikkoordinaw l-interessi tal-enerġija individwali tagħhom u jżommu solidarjetà u trasparenza lejn xulxin fuq bażi kontinwa.

1.3.2.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Frar 2016 li ssaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ skambju tal-informazzjoni attwali fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi u l-istrumenti mhux vinkolanti.

1.3.3.

Standards ta’ sigurtà ambjentali u nukleari komuni fil-proġetti tal-enerġija li qed jiġu implimentati fil-pajjiżi ġirien tal-UE għandhom ikunu punt importanti mill-politika tal-enerġija esterna tal-UE. Ix-xiri ta’ enerġija minn pajjiżi li ma jikkonformawx ma’ dawn l-istandards għandu jkun limitat.

1.4.

Sistema tal-enerġija interna b’saħħitha hija fundamentali għat-tnaqqis tal-impatt estern: waħda mid-dimensjonijiet ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija hija l-ħolqien ta’ suq intern tal-enerġija tal-UE li jkun kompletament funzjonali u trasparenti. Din għandha tiġi tradotta direttament f’approċċ tal-UE iktar effettiv lejn kwistjonijiet esterni dwar l-enerġija.

1.4.1.

Il-partijiet kollha meħtieġa tal-infrastruttura tal-enerġija jridu jkunu stabbiliti, sabiex ikun possibbli li tiġi ottimizzata u razzjonalizzata l-importazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija fl-UE.

1.4.2.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li n-netwerks u sistemi tal-enerġija tal-Istati Membri kollha jiġu integrati b’mod sħiħ fis-suq intern tal-UE u li jiġi żgurat li dawn ikunu sinkronizzati b’mod sħiħ.

1.4.3.

Il-kompetittività tal-produtturi tal-enerġija tal-UE trid tiġi preżervata billi jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi bejn il-produtturi Ewropej u dawk mhux Ewropej.

1.4.4.

Il-KESE jappella li t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika esterna dwar l-enerġija tal-UE jqisu l-bżonn li l-industriji Ewropej, speċjalment l-industriji li jużaw ħafna enerġija, ikollhom għad-dispożizzjoni provvista ta’ enerġija kompetittiva, stabbli u prevedibbli, sabiex ikunu jistgħu jiffunzjonaw f’kundizzjonijiet indaqs mal-kompetituri internazzjonali tagħhom.

1.5.

Politika tal-enerġija li tħares ‘il quddiem, u li tista’ tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet esterni tal-UE, inkluż fil-kuntest tal-ftehim tal-COP21, għandha tistrieħ l-ewwel nett fuq il-kunsiderazzjoni sistematika tal-għanijiet ta’ politika tal-UE dwar il-klima u l-isforzi globali internazzjonali biex jiġi limitat t-tibdil fil-klima, notevolment permezz tal-iżvilupp ta’ tliet fatturi ewlenin: sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u r-riċerka u l-iżvilupp.

1.5.1.

Sorsi rinnovabbli huma l-element essenzjali fiż-żieda tas-sigurtà tal-enerġija u tnaqqis fid-dipendenza fuq l-importazzjonijiet.

1.5.2.

L-UE għandha tagħmel l-almu tagħha biex iżżomm pożizzjoni mexxejja f’dan il-qasam.

1.5.3.

L-effiċjenza enerġetika hija waħda mill-pedamenti għat-tnaqqis tal-volum tal-konsum tal-enerġija tal-UE u konsegwentament jitnaqqas l-ammont tal-importazzjonijiet ta’ enerġija. Għaldaqstant hu essenzjali li titnaqqas in-nefqa tal-enerġija ta’ konsumaturi privati u kummerċjali.

1.6.

Ir-riċerka u l-iżvilupp iridu jingħataw riżorsi adegwati, li jista’ jwassal għal effikaċja akbar u anqas spejjeż ta’ produzzjoni tal-enerġija. Il-kooperazzjoni internazzjonali hija wkoll importanti b’mod ċar f’dan il-kuntest.

1.7.

Peress li l-enerġija għandha tkun affordabbli għall-konsumaturi u ta’ appoġġ għall-kompetittività tal-industrija, il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet nazzjonali biex jagħtu rwol wiesa’ lis-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi. Għal din ir-raġuni, il-KESE jitlob għal Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija u Forum Ewropew tal-Enerġija li jinkludu l-partijiet interessati kollha. Dan huwa kruċjali għall-ħolqien ta’ politika tal-enerġija esterna tal-UE intelliġenti, effiċjenti u sostenibbli.

1.7.1.

Il-KESE jrid isejjaħ lill-korpi internazzjonali tiegħu biex ikollhom rwol attiv fil-ħolqien politika tal-enerġija esterna tal-UE effettiva u reżiljenti.

2.   Kuntest

2.1.

Il-kwistjonijiet tal-enerġija reċentement saru sinifikanti fid-dibattiti dwar politika tal-UE u telgħu fil-quċċata tal-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea. Il-KESE huwa attiv ukoll fil-qasam tad-dimensjoni esterna tal-enerġija u diġà ħareġ għadd ta’ opinjonijiet dwar dan is-suġġett (1).

2.2.

Minħabba d-dipendenza dejjem tikber tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija, b’mod partikolari ta’ żejt u gass, id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE qed issir kruċjali sabiex tirfed is-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija.

2.2.1

Aktar minn nofs (53,2 %) il-konsum intern gross tal-enerġija tal-UE jiġi mill-importazzjonijiet. L-UE timporta 44,2 % ta’ fjuwils solidi (li minnhom aktar minn nofs huwa faħam iebes), 87,4 % ta’ żejt mhux maħdum u l-prodotti tiegħu taż-żejt u 65,3 % ta’ gass naturali (data tal-Eurostat, 2013).

2.2.2.

Dawn in-numri jenfasizzaw b’mod ċar sa fejn waslet id-dipendenza tal-UE fuq il-kummerċ mal-fornituri ta’ pajjiżi terzi. Għalhekk, jekk il-fornitur ma jkunx affidabbli jew ikun imprevedibbli jew jekk l-infrastruttura ma jkollhiex manutenzjoni xierqa, is-sigurtà tal-enerġija tal-UE kollha jista’ jiġrilha ħsara kbira.

3.   Is-sinifikat tad-diversifikazzjoni fir-relazzjonijiet tal-enerġija esterna

3.1.

L-UE għandha tfittex opportunitajiet ġodda għal kooperazzjoni u ssaħħaħ sħubijiet tal-enerġija li diġà jeżistu ma’ pajjiżi terzi fir-rigward tad-diversifikazzjoni tas-sorsi, il-fornituri u r-rotot.

3.2.

Huwa probabbli li r-Russja se tibqa’ l-imsieħba ewlenija fl-importazzjonijiet tal-enerġija tal-UE għall-futur previst. Dan huwa rilevanti b’mod speċjali f’termini ta’ gass tal-pipeline.

3.2.1.

Prijorità ewlenija tar-Russja hija li tal-anqas iżżomm il-pożizzjoni favorevoli fis-suq tal-enerġija tal-UE, li hija kemm l-akbar destinazzjoni ta’ esportazzjoni tal-enerġija tagħha kif ukoll klijent affidabbli ħafna.

3.2.2.

Il-proġett tal-pipeline Nord Stream II huwa attwalment punt ewlieni fuq l-aġenda tal-enerġija tar-Russja, li għandu l-għan li jżid l-esportazzjonijiet ta’ gass naturali lejn l-UE. Hemm tħassib fl-UE, dwar jekk dan il-proġett jistax imur kontra l-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE dwar id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass. Il-KESE jara li l-aktar rwol importanti tal-Kummissjoni huwa li tivvaluta b’mod dettaljat il-proġett Nord Stream II u l-konformità tiegħu mal-acquis tal-UE, inkluż it-Tielet Pakkett tal-Enerġija, kif ukoll l-objettivi tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija, b’mod partikolari d-diversifikazzjoni tas-sorsi, il-fornituri u r-rotot tal-enerġija.

3.2.3.

L-interessi ta’ kull Stat Membru għandhom jiġu kkunsidrati meta tiġi stabbilita pożizzjoni komuni tal-UE fir-rigward tan-Nord Stream II. L-aspetti kummerċjali tal-proġett m’għandhomx ikunu l-uniku fattur fid-deċiżjoni, speċjalment meta tiġi kkunsidrata t-tendenza tar-Russja li tuża l-enerġija bħala għodda għal għanijiet ġeopolitiċi.

3.3.

In-Norveġja hija msieħeb utli tal-UE fuq il-livell internazzjonali bi prijoritajiet ta’ politika komuni, inkluż fis-settur tal-enerġija. Bħala membru mill-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea n-Norveġja hija parti mis-suq intern tal-UE.

3.3.1.

L-importanza tad-dimensjoni tat-Tramuntana x’aktarx li tiżdied, bħalma hija l-kooperazzjoni fiż-żoni tat-Tramuntana fir-rigward tal-meded taż-żejt u tal-gass fl-Oċean Artiku. Madankollu, għandha ssir enfasi partikulari fuq il-kuntest ambjentali sensittiv jekk u meta l-kumpaniji jibdew jesploraw b’mod serju r-riżorsi potenzjali f’dan il-qasam.

3.4.

Il-kooperazzjoni tal-enerġija tal-UE mal-imsieħba tal-Mediterran tat-Tramuntana u l-Lvant ħadet spinta bl-istabbiliment riċenti ta’ pjattaformi reġjonali li jinkludu l-gass, l-elettriku, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Dawn il-pjattaformi huma maħsuba li se jkunu strumentali sabiex jiffaċilitaw u jtejbu l-kooperazzjoni fl-enerġija.

3.5.

Filwaqt li tikkunsidra lill-Asja Ċentrali bħala reġjun ta’ importanza strateġika u rikka fir-riżorsi tal-enerġija, l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha sabiex tistabbilixxi relazzjoni soda u stabbli magħha. Kif imsemmi fil-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin dwar l-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali adottata fit-22 ta’ Ġunju 2015, l-UE titlob it-tisħiħ fir-rabtiet tal-enerġija, li jikkontribwixxu għas-sigurtà reċiproka tal-enerġija.

3.6.

Il-konnessjoni tar-reġjun tal-Baħar Kaspju mas-suq tal-UE permezz tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar se tiftaħ possibbiltajiet ġodda għal-kummerċ tal-gass naturali u tikkontribwixxi għall-objettiv ta’ diversifikazzjoni tal-UE. Il-pipeline tal-gass naturali Trans-Anatoljan (TANAP) se jkun parti ċentrali mill-interkonnessjoni flimkien mal-pipeline Trans-Adrijatiku (TAP).

3.7.

Ir-relazzjonijiet tal-enerġija mal-Istati Uniti qed isiru dejjem aktar importanti fuq l-aġenda tal-UE, kif rifless fil-Kunsill tal-Enerġija bejn l-UE u l-Istati Uniti. L-Istati Uniti attwalment qed jesperjenzaw żmien ta’ roħs fil-gass bħala riżultat ta’ produzzjoni tal-gass mhux konvenzjonali. L-UE għandha tisfrutta l-mument u tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-kummerċ tal-gass naturali likwifikat (LNG) transatlantiku, billi dan għandu jikkontribwixxi b’mod sostanzjali għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija.

3.7.1.

Is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) tista’ ssir għodda sinifikanti għall-promozzjoni, fost oqsma oħra, tas-sigurtà tal-enerġija transatlantika. Il-KESE jħeġġeġ lill-partijiet sabiex jikkonċentraw l-isforzi kollha tagħhom sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-enerġija fil-ftehim.

3.8.

Is-sigurtà tal-enerġija tal-UE hija marbuta mill-qrib mal-kwistjonijiet tal-enerġija tal-viċinat tagħha, li jfisser li l-UE għandha tkompli taħdem mill-qrib mal-ġirien tagħha u tespandi l-ambitu ta’ kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku.

3.8.1.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ aktar il-Komunità tal-Enerġija, b’mod speċjali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-acquis tal-enerġija tal-UE fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti (2).

3.8.2.

L-objettiv ewlieni tal-Komunità tal-Enerġija huwa l-espansjoni tas-suq intern tal-enerġija tal-UE. L-UE għandha tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien u s-soċjetajiet ċivili tagħhom bil-għan li jiġi stabbilit suq tal-enerġija pan-Ewropew ġenwin. Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għar-regolamentazzjoni tas-sigurtà tal-provvista li tinvolvi direttament il-pajjiżi tal-Komunità tal-Enerġija.

3.9.

Wara t-tneħħija tas-sanzjonijiet internazzjonali fl-Iran, l-UE għandha tisfrutta l-mument u tistabbilixxi mill-ġdid ir-relazzjonijiet tal-enerġija minħabba r-rwol potenzjali li jista’ jkollu l-Iran fid-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvisti tal-enerġija tal-UE.

3.10.

L-UE għandha wkoll tħaffef u ssaħħaħ l-isforzi sabiex tinforza sħubijiet solidi ma’ pajjiżi terzi differenti iżda importanti, bħall-Kanada, it-Turkija u l-Alġerija. Il-KESE jilqa’ l-involviment ta’ djalogi tal-enerġija ta’ livell għoli ma’ dawn il-pajjiżi fl-2015.

3.11.

Id-dimensjoni tal-enerġija għandha tiġi riflessa b’mod xieraq fil-ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-ftehimiet tal-enerġija ma’ fornituri ta’ pajjiżi terzi għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet legali tal-UE u mal-prinċipji tas-sigurtà tal-enerġija.

4.   L-importanza li l-UE “titkellem b’vuċi waħda” u approċċ unifikat għal kwistjonijiet tal-enerġija

4.1.

Fl-20 ta’ Lulju 2015 il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin approva Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Diplomazija tal-Enerġija (EDAP) sabiex jappoġġja d-dimensjoni esterna tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-pjan għandu l-għan li jsaħħaħ il-messaġġi komuni sabiex l-UE tkun tista’ titkellem b’vuċi waħda dwar kwistjonijiet ewlenin tal-enerġija u sabiex tilħaq l-objettivi tal-enerġija fi spirtu ta’ solidarjetà u interess komuni, minflok jiġu nazzjonalizzati mill-ġdid il-politiki tal-enerġija.

4.1.1.

Id-dimensjonijiet ewlenin tal-EDAP jinkludu l-appoġġ diplomatiku għad-diversifikazzjoni tas-sorsi, il-fornituri u r-rotot tal-enerġija, iż-żieda tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ta’ tranżitu (b’mod speċjali l-Ukrajna) u msieħba ewlenin tal-enerġija minn pajjiżi terzi, aktar tisħiħ tal-Komunità tal-Enerġija u ż-żamma tal-involviment strateġiku tal-UE fl-inizjattivi multilaterali marbuta mal-enerġija.

4.2.

Ġie stabbilit mekkaniżmu ta’ skambju tal-informazzjoni għal Ftehimiet Intergovernattivi (IGAs) minn deċiżjoni adottata mill-Parlament u l-Kunsill fil-25 ta’ Ottubru 2012, sabiex jiġi żgurat li l-ftehim huwa ċar u trasparenti mil-lat legali u konformi mad-dritt tal-UE. Fi Frar 2016 il-Kummissjoni ressqet proposta għat-tisħiħ tal-mekkaniżmu eżistenti.

4.2.1.

Il-KESE jilqa’ t-tentattivi sabiex ikun hemm konformità u trasparenza legali fil-ftehimiet tal-UE ma’ partijiet terzi (3), u għalhekk jappoġġja t-tisħiħ tal-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni attwali.

4.3.

L-UE għandha tibqa’ timpenja ruħha fil-promozzjoni u t-titjib kontinwu tal-istandards tas-sigurtà ambjentali u nukleari f’pajjiżi terzi.

4.3.1.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-impjanti tal-enerġija nukleari li jinbnew minn partijiet terzi qrib il-fruntieri tal-UE (jiġifieri l-impjant tal-enerġija nukleari Astraviec fil-Belarus, li nstab li ma kienx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Espoo). L-UE għandha tenfasizza ma’ partijiet terzi l-importanza li tiġi żgurata s-sigurtà ġenerali ta’ proġetti bħal dawn f’konformità mal-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari tal-IAEA u ftehimiet internazzjonali rilevanti oħrajn. Il-Kummissjoni għandha żżid l-isforzi tagħha sabiex tiżgura li l-pajjiżi li qablu mal-istress tests nukleari skont ir-regoli tal-UE jissodisfaw dan l-impenn mill-aktar fis possibbli. Impjanti oħra perikolużi għandu jkollhom l-aċċess tagħhom tal-enerġija fl-UE ristrett.

5.   L-impatt ta’ sistema tal-enerġija interna b’saħħitha

5.1.

Sistema tal-enerġija interna b’saħħitha tissarraf direttament f’pożizzjoni esterna reżiljenti. Għalhekk, l-UE għandha timmira biex tissemplifika l-approċċ intern tagħha għal kwistjonijiet tal-enerġija.

5.2.

L-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija hija inizjattiva ta’ prijorità li għandha l-għan li tikkonsolida rispons komuni tal-UE għall-isfidi tal-enerġija. Billil-prosperità ekonomika u soċjali tal-UE tissejjes fuq is-sigurtà tal-enerġija, hija responsabbiltà kollettiva tal-Istati Membri, il-produtturi tal-enerġija, il-konsumaturi, il-pajjiżi ta’ tranżitu u l-komunità internazzjonali, li kollha huma involuti fis-swieq tal-enerġija globalizzati tal-lum.

5.2.1.

Pilastru ewlieni tal-Unjoni tal-Enerġija huwa t-titjib tal-interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri u l-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis tas-suq intern tal-enerġija. L-integrazzjoni sħiħa tas-suq tal-intern tal-UE se żżid il-kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-enerġija, li min-naħa l-oħra se tirriżulta fi prezzijiet aħjar għall-konsumaturi finali.

5.2.2.

Billi l-gass naturali likwifikat (LNG) qiegħed isir dejjem aktar disponibbli fuq livell globali, dan jippreżenta lill-UE opportunitajiet ġodda għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass. Għalhekk, l-infrastruttura interna tal-LNG għandha tiġi msaħħa u żviluppata. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-istrateġija tal-ħażna tal-LNG u tal-gass adottata mill-Kummissjoni fi Frar 2016.

5.2.3.

Integrazzjoni sħiħa tal-UE tfisser l-eliminazzjoni tal-“gżejjer tal-enerġija”. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li n-netwerks u s-sistemi tal-enerġija tal-Istati Membri kollha jiġu integrati b’mod sħiħ fis-suq intern tal-UE kemm bl-iżvilupp ta’ infrastruttura fiżika sabiex tgħaqqad il-grilji kif ukoll billi finalment tissolva l-kwistjoni tas-sinkronizzazzjoni tat-tliet Stati Baltiċi (4), peress li fil-preżent l-operazzjoni tas-sistema tal-elettriku tagħhom tiddependi fuq operatur ta’ pajjiż terz (ir-Russja).

5.2.4.

Il-kompetittività tal-manifatturi tal-enerġija tal-UE għandha tiġi ppreservata. Għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi bejn il-manifatturi tal-enerġija Ewropej u mhux Ewropej sabiex ikun żgurat li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE huma segwiti mill-parteċipanti kollha fis-suq ta-enerġija.

6.   Politika tal-enerġija li tħares ‘il quddiem bħala fattur sinifikanti fid-dimensjoni esterna

6.1.

Is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli joħolqu opportunità diretta għall-UE mhux biss sabiex inaqqsu d-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili importati, iżda jagħmlu wkoll il-produzzjoni tal-enerġija domestika tagħha aktar sostenibbli. Il-KESE jirrikonoxxi l-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli bħala waħda mill-azzjonijiet l-aktar importanti għal futur tal-enerġija aktar sikur. Madankollu, l-UE m’għandhiex tistrieħ fuq suċċessi passati, u għandha tagħmel l-almu tagħha biex iżżomm pożizzjoni mexxejja f’dan il-qasam. Barra minn hekk, l-uffiċjali tal-UE għandhom jinkoraġġixxu lil pajjiżi terzi biex iwaqqfu miri ambizzjużi għall-enerġija rinnovabbli.

6.1.1.

L-UE diġà qed tħares lil hinn mill-2020 u stabbiliet miri saħansitra aktar ambizzjużi għall-2030. Objettiv komuni ta’ mill-anqas 27 % tal-enerġija li ġejja minn sorsi rinnovabbli kieku jkun jeħtieġ li l-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni fuq il-livell reġjonali, filwaqt li jikkonsolidaw is-settur tal-enerġija tal-UE.

6.1.2.

Fi ħdan il-kuntest tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-KESE jilqa’ l-ftehim COP21 u l-impenn tal-UE li taqtal-emissjonijiet tal-gass b’effetta ta’ serra b’tal-anqas 40 % (mil-livelli tal-1990) sal-2030 kif stipulat fil-qafas tal-klima u l-enerġija. L-UE mhux biss għandha tħeġġeġ lill-imsieħba tagħha biex jaħdmu b’mod attiv f’dan il-qasam, iżda jipprovdu għajnuna prattika jekk jitqies meħtieġ.

6.1.3.

Produzzjoni ta’ enerġija deċentralizzata kif ukoll il-kooperattivi tal-enerġija jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-miri tal-klima u l-enerġija tal-UE. Dan jippermetti l-involviment tas-soċjetà usa’ sabiex taħdem lejn l-indipendenza u s-sigurtà tal-enerġija f’pajjiżha kif ukoll fl-UE kollha. Għalhekk, għandhom jiġu adottati l-aqwa prattiki ta’ ġenerazzjoni interna u mezzi ta’ konsum kosteffikaċi.

6.2.

L-effiċjenza enerġetika hija wkoll mod dirett kif tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-livell għoli ta’ importazzjoni tal-UE. Ġie stabbilit objettiv ta’ titjib ta’ mill-anqas 27 % fl-effiċjenza enerġetika (l-istess ċifra li ġiet stabbilita għas-sorsi rinnovabbli) għall-2030 fl-UE kollha, bil-Kummissjoni Ewropea tagħmel sforzi serji sabiex timplimenta l-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”. Min-naħa tagħha, l-Unjoni tal-Enerġija se tibqa’ tippromwovi aċċess aħjar għall-istrumenti ta’ finanzjament għall-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fis-settur tat-trasport u l-bini, u tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw bis-serjetà l-effiċjenza enerġetika fil-politiki tagħhom.

6.3.

Il-kontribuzzjoni ta’ riżorsi adegwati għall-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp hija kruċjali sabiex jinżammu l-progessi teknoloġiċi fil-produzzjoni tal-enerġija u d-distribuzzjoni intelliġenti. Dan huwa rilevanti b’mod speċjali f’termini ta’ enerġija rinnovabbli, bil-għan li l-produzzjoni tagħha ssir kosteffikaċi u affidabbli. Barra minn hekk, għandu jitkompla l-iżvilupp ta’ teknoloġiji mill-aktar avvanzati, bħall-użu tal-idroġenu, iċ-ċelluli tal-fjuwil u l-fużjoni nukleari fil-ġenerazzjoni tal-enerġija.

6.4.

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE sabiex tieħu rwol ewlieni fl-indirizzar tal-kwistjonijiet tal-enerġija tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’mod sostenibbli, permezz ta’ politiki u inizjattivi li għandhom l-għan li jestendu l-assistenza finanzjarja, teknika u legali. L-appoġġ tal-edukazzjoni u t-taħriġ f’oqsma relatati għandu jkun l-għodda ewlenija biex tiġi estiża l-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

7.   Is-soċjetà ċivili bħala attur attiv fi kwistjonijiet esterni dwar l-enerġija

7.1.

Minħabba li l-konsumaturi jistennew li l-enerġija tkun aċċessibbli u tappoġġja l-kompetittività tal-industrija, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u l-gvernijiet nazzjonali sabiex jinvolvu s-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fi kwistjonijiet tal-enerġija u jżommu djalogu miftuħ. Dan għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal fehim aħjar tal-kwistjonijiet tal-enerġija li għandna quddiemna.

7.1.1.

Il-faqar tal-enerġija huwa kwistjoni globali li ma tistax tiġi injorata f’termini ta’ politiki interni jew esterni tal-enerġija tal-UE. Għandha tingħata daqqa t’id lil dawk li l-aktar huma mhedda.

7.2.

Is-soċjetajiet ċivili għandhom juru aktar inizjattiva fil-proċessi ta’ tfassil tal-politika tal-enerġija. Il-KESE jilqa’ d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-enerġija ffirmata mill-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u l-Ukraina (CSP) fil-11 ta’ Frar 2016, li għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili u tipprepara rakkomandazzjonijiet dwar l-istat tad-dritt għall-awtoritajiet rilevanti.

7.2.1.

Il-kwistjonijiet dwar l-enerġija jridu jsiru parti tal-aġenda tal-laqgħat internazzjonali tal-KESE, kif ukoll tema importanti fid-dibattitu mas-soċjetajiet ċivili tal-pajjiżi msieħba.

Brussell, it-28 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  

(1)

“Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għar-reviżjoni tal-Istrateġija UE-Asja Ċentrali”, opinjoni tal-KESE (ĠU C 242, 23.7.2015, p. 1);

(2)

“Il-qafas strateġiku tal-Unjoni tal-Enerġija”, opinjoni tal-KESE (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 84);

(3)

“L-enerġija, fattur ta’ żvilupp u approfondiment tal-adeżjoni tal-Balkani tal-Punent”, opinjoni tal-KESE (ĠU C 32, 28.1.2016, p. 8);

(4)

“Niggarantixxu l-importazzjonijiet essenzjali għall-UE bil-politika kummerċjali attwali tal-UE u l-politiki relatati l-oħra”, opinjoni tal-KESE (ĠU C 67, 6.3.2014, p. 47);

(5)

“Ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija”, opinjoni tal-KESE (ĠU C 68, 6.3.2012, p. 65);

(6)

“L-Involviment tas-Soċjetà Ċivili fit-twaqqif ta’ Komunità Ewropea tal-Enerġija tal-ġejjieni”, opinjoni tal-KESE (ĠU C 68, 6.3.2012, p. 15);

(7)

“Id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE”, opinjoni tal-KESE (ĠU C 182, 4.8.2009, p. 8).

(2)  Partijiet kontraenti — l-Albanija, il-Bożnija-Ħerżegovina, il-Kosovo, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja u l-Ukrajna.

(3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1, il-punt 5.

(4)  GU C 228, 22.9.2009, p. 84.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

il-516 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-27 u t-28 ta' April 2016

20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/35


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur — Prodotti aħjar, aktar għażla u opportunitajiet akbar għall-konsumaturi u għan-negozji”

(COM(2015) 630 final)

(2016/C 264/05)

Relatur:

is-Sinjura Milena ANGELOVA

Nhar l-10 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Green Paper dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur — Prodotti aħjar, aktar għażla u opportunitajiet akbar għall-konsumaturi u għan-negozji”

(COM(2015) 630 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’191 vot favur u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-għan iddikjarat tal-Kummissjoni għall-pubblikazzjoni ta’ din il-Green Paper u l-fatt li l-Kummissjoni tinsab fit-triq it-tajba u għandha programm ambizzjuż għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali (1).

1.2.

Il-KESE japprova l-idea tal-Kummissjoni li tħabrek biex tiffaċilita l-penetrazzjoni transkonfinali ta’ servizzi finanzjarji għall-konsumatur u l-possibbiltajiet għall-konsumaturi li jibdlu l-fornituri. Tali miżuri għandhom jiżguraw struttura ta’ suq aktar kompetittiv u jżidu l-konvenjenza lill-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ aċċess indaqs għal mekkaniżmi ta’ rimedju barra l-qorti madwar l-Istati Membri (2).

1.3.

Il-KESE jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni fil-Green Paper li tfittex politika xierqa li tistimola ż-żewġ naħat tas-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur: il-provvista u d-domanda.

1.4.

Il-KESE japprova l-idea li l-konsumaturi għandhom jingħataw l-opportunità, kull meta jkun possibbli, li jqabblu prodotti differenti, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażla informata. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-Direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (МiFID) II — fl-istess ħin li għadu qed iħejji l-opinjoni tiegħu dwar ir-reviżjonijiet proposti reċentement (3) — u dwar ir-Regolament dwar prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni, li jirrikjedu trasparenza aħjar u divulgazzjoni ta’ informazzjoni (4).

1.5.

Wieħed mill-għanijiet tal-Green Paper huwa li tnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur. Għal dan il-għan, il-KESE jixtieq jindika li m’hemmx evidenza assolutament affidabbli li d-differenzi fil-prezzijiet huma dovuti biss għal falliment tas-suq fl-UE. Il-fatturi nazzjonali u lokali wkoll jinfluwenzaw il-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi, u b’hekk jagħmlu l-armonizzazzjoni tal-prezzijiet bejn l-Istati Membri iżjed diffiċli. Pereżempju, il-primjum għal polza tal-assigurazzjoni ta’ karozza għal konsumatur fi Stat Membru u l-primjum ekwivalenti fi Stat Membru ieħor jistgħu jkunu kompletament differenti minħabba l-proporzjon ta’ telf, li huwa bbażat fuq in-numru ta’ inċidenti fit-toroq u ta’ każijiet ta’ frodi f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi. B’mod simili, ir-rati tal-imgħax tal-kreditu għall-konsumaturi jistgħu jvarjaw bejn l-Istati Membri skont il-livell ta’ dejn mitluf tagħhom. Dawn il-fatturi lokali huma msemmija b’mod korrett fil-Green Paper, imma ħaqqhom analiżi ulterjuri. Il-KESE għalhekk jistenna bil-ħerqa r-riżultati tal-konsultazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tfittex iżjed għal kwalunkwe evidenza ta’ kompetizzjoni insuffiċjenti u għal raġunijiet iżjed ċari li jispjegaw id-differenzi fil-prezzijiet skoperti. Għandha ssegwi wkoll dan l-eżami fil-valutazzjoni tal-impatt li għandha titwettaq qabel il-proposti legali mistennija.

1.6.

Fl-istess ħin, il-KESE jixtieq jenfasizza li ħafna mill-problemi enfasizzati fil-Green Paper tal-2007 dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumaturi (5) xorta jibqgħu validi — tmien snin wara — f’din il-Green Paper. Il-KESE approva b’mod ġenerali dik il-Green Paper ta’ qabel (6) u faħħar l-azzjonijiet li kienu twettqu biex jinstabu xi soluzzjonijiet prattiċi (7). Minkejja xi riżultati pożittivi, madankollu, il-progress kien limitat u l-problemi għall-funzjonament ta’ suq uniku fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur jibqgħu. Fil-fehma tal-KESE, għalhekk, ir-riżultati mill-konsultazzjonijiet dwar din il-Green Paper jeħtieġ li din id-darba jissarrfu fi programm iżjed ambizzjuż li jegħleb il-problemi li ilhom jeżistu ħafna.

1.7.

Il-Green Paper tqis varjetà wiesgħa ta’ prodotti finanzjarji, li għalihom, iż-żieda fl-għażla u fl-opportunitajiet ma tistax tirriżulta simultanjament għal kulħadd. Bla dubju, se jkunu jeħtieġu prijoritizzazzjonijiet u skedi taż-żmien differenti. Il-KESE jissuġġerixxi li r-riżultati mill-proċess ta’ konsultazzjoni jiġu applikati bħala prijorità għal prodotti iżjed sempliċi li għalihom il-fatturi lokali għandhom relattivament anqas importanza. B’dan il-mod il-proċess tal-ħolqien ta’ suq uniku għal prodotti finanzjarji jakkwista impetu u kunfidenza. Eżempji ta’ dawn il-prodotti jistgħu jkunu servizzi ta’ pagament, prodotti tal-pensjoni pan-Ewropej (PEPP), kontijiet tat-tfaddil, u assigurazzjoni tal-karozza u tal-ħajja. Wieħed mill-ewwel passi jista’ jkun l-applikazzjoni madwar l-Istati Membri kollha tas-sistema Bonus Malus fl-assigurazzjoni tal-karozzi, li tnaqqas l-importanza tal-fatturi lokali u torbot il-primjums tal-assigurazzjoni mill-qrib mal-profili tal-individwi. Prodotti bħal self ipotekarju, self għal konsumatur, assigurazzjoni professjonali u ġestjoni tal-assi għandhom isegwu fl-iskeda ta’ żmien.

1.8.

Filwaqt li l-Green Paper tagħmel l-iżjed enfasi fuq it-teknoloġiji diġitali, il-KESE josserva żewġ fatturi importanti għal iżjed domanda transkonfinali għall-prodotti li għandhom jitqiesu wkoll.

Bla dubju, l-edukazzjoni finanzjarja hija element prinċipali biex ma tintilifx il-fiduċja fis-sistema finanzjarja u jiġi żgurat konsum responsabbli tal-prodotti finanzjarji. Il-KESE diġà esprima l-fehma tiegħu dwar din il-materja (8);

l-għoti ta’ pariri finanzjarji għandu jkun regolat tajjeb fil-livell tal-UE u għandha tkun iċċarata d-distinzjoni bejn l-għoti ta’ pariri u l-kummerċjalizzazzjoni. Għal dan l-għan is-servizzi offruti minn sensara indipendenti jistħoqqilhom ukoll l-attenzjoni.

1.9.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jsir kull sforz biex jiġi evitat li jerġgħu jinfetħu d-Direttivi (bħal PSD 2 u MCD (9)) li għadhom kif ġew adottati. Għandu jingħata ċertu żmien biex jiġu applikati miżuri b’mod effettiv, u l-introduzzjoni ta’ miżuri regolatorji ġodda għandha tiġi implimentata b’attenzjoni sabiex ma nirregolawx iż-żejjed is-swieq finanzjarji.

2.   L-għan tal-Green Paper. Ħidma tal-Kummissjoni u tal-KESE preċedenti dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur

2.1.

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Green Paper f’konnessjoni mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bini tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (10) sabiex teżamina kif is-suq Ewropew għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur — jiġifieri assigurazzjoni, self, pagamenti, kontijiet kurrenti u tat-tfaddil u prodotti ta’ investiment għall-konsumatur oħra — jista’ jinfetaħ aktar, biex iġib riżultati aħjar għall-konsumaturi u l-kumpaniji, filwaqt li jinżamm livell adegwat ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-investituri kemm fil-livell Ewropew kif ukoll nazzjonali.

2.2.

Il-Green Paper hija mħassba ħafna dwar kif se twieġeb għall-isfidi tad-diġitalizzazzjoni, li jistgħu jgħinu biex ibaxxu l-prezzijiet u jtejbu l-komparabbiltà tal-prodotti, biex b’hekk tingħata s-setgħa lill-konsumaturi fl-għażliet finanzjarji tagħhom. Fit-tul, id-diġitalizzazzjoni għandha tippermetti lill-kumpaniji jagħmlu l-prodotti tagħhom disponibbli kullimkien fl-Unjoni, biex iressqu s-suq uniku Ewropew iżjed lejn ir-realtà.

2.3.

Kwistjoni importanti oħra mqajma mill-Green Paper hija kif għandha tinbena l-kunfidenza u l-fiduċja, għaliex dawn huma kruċjali għall-espansjoni tas-Suq Uniku fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, id-dokument jiffoka fuq kif is-servizzi u l-prodotti jistgħu jkunu aktar komprensibbli.

2.4.

Il-Green Paper tesplora wkoll x’jista’ jsir biex is-Suq Uniku fis-servizzi finanzjarji jingħata l-għajnuna biex iwassal titjib tanġibbli fil-ħajja tal-persuni fl-UE u biex joħloq opportunitajiet tas-suq ġodda għall-fornituri, biex b’hekk ikun qiegħed jappoġġja t-tkabbir fl-ekonomija Ewropea u joħloq l-impjiegi.

3.   Kummenti dwar l-istat attwali tas-swieq għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur

3.1.

Il-KESE jemmen li l-frammentazzjoni tas-swieq għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur enfasizzata fil-Green Paper hija dovuta għall-influwenza kkombinata ta’ fatturi nazzjonali u lokali fuq il-prezzijiet ta’ prodotti u servizzi (speċifiċitajiet legali, regolamentari, kulturali u ta’ sistemi pubbliċi ta’ protezzjoni soċjali), kif ukoll għall-isfidi tas-suq kemm min-naħa tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-provvista, li dawn tal-aħħar jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-ġejjieni.

3.2.

L-isfidi prinċipali min-naħa tal-provvista huma:

differenzi mhux ġustifikati u bla bżonn fir-regolamenti nazzjonali, minħabba regolamentazzjoni żejda u tradizzjonijiet u speċifiċatjiet nazzjonali kif ukoll minħabba fatturi oħra li jaffettwaw l-ispejjeż għan-negozju;

diffikultajiet fl-identifikazzjoni transkonfinali ta’ klijenti u s-sors tal-fondi tagħhom;

diffikultajiet bl-evalwazzjoni transkonfinali tal-assi tal-klijenti u l-infurzar tal-kollaterali;

mekkaniżmi legali differenti fl-Istati Membri u b’mod partikolari fir-rigward tas-sekwestru tal-kollaterali (jiġifieri t-tul tal-proċeduri tal-preklużjoni, ir-rikors meħtieġ għand nutar, regoli differenti dwar ir-reġistru tal-artijiet).

3.3.

L-isfidi prinċipali min-naħa tad-domanda huma:

konsumaturi, li huma mdorrijin bi standard ta’ protezzjoni partikolari f’pajjiżhom stess, ma jistgħux jassumu l-istess standard fi Stat Membru ieħor;

infurzar mhux indaqs tal-konformità mar-rekwiżiti leġiżlattivi Ewropej;

aċċess mhux indaqs għal mekkaniżmi ta’ rimedju barra l-qorti għall-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji fl-Istati Membri differenti (11);

ostakoli lingwistiċi;

rekwiżiti dwar il-ħiliet u l-kwalifiki tal-konsulenti finanzjarji huma prerogattiva tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali imma mhumiex uniformi madwar l-Istati Membri. Ftit hemm konsulenti finanzjarji kompetenti li jipprovdu pariri oġġettivi, b’mod speċjali dwar ix-xiri transkonfinali.

3.4.

Il-KESE jaċċetta wkoll li l-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni joħloq ambjent ġdid u jespandi b’mod konsiderevoli l-ambitu biex jingħataw servizzi ġodda u għal attività transkonfinali msaħħa. Madankollu, għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li l-iżviluppi diġitali ma jintużawx biex iqarrqu bil-konsumatur permezz ta’ informazzjoni li jipprovdulu dwar servizzi finanzjarji u li tkun kumplessa wisq, irrilevanti jew diffiċli biex titqabbel.

3.5.

Il-KESE jirrimarka li l-litteriżmu finanzjarju tal-persuni għadu jvarja bil-kbir minn post għal ieħor u huwa relattivament baxx meta mqabbel ma’ pajjiżi żviluppati oħra, bħall-Istati Uniti tal-Amerika, l-Awstralja u l-Kanada (12). Il-pariri finanzjarji qabel il-bejgħ mhumiex regolati tajjeb u ma jiggarantixxux li l-klijenti se jagħżlu l-iżjed prodotti adatti, u s-servizzi professjonali tal-pariri finanzjarji mhumiex żviluppati biżżejjed meta mqabbla ma’ xi pajjiżi mhux tal-UE.

3.6.

Il-possibbiltajiet offruti minn teknoloġiji ġodda u żieda fil-provvista — inkluż provvista transkonfinali — joħolqu opportunitajiet, imma jġibu magħhom ukoll xi riskji potenzjali. Jistgħu jwasslu għal livelli għolja ta’ dejn, nuqqas ta’ ħlasijiet fuq dejn ipotekarju u iżjed każijiet ta’ insolvenza jekk il-konsumaturi jkunu nieqsa mill-għarfien finanzjarju meħtieġ. Konsumaturi li jixtru l-prodotti tal-assigurazzjoni u tal-pensjoni online jistgħu jkunu f’riskju għaliex spiss ma jagħmlux biżżejjed riċerka u jistgħu jkunu qed jiffirmaw kuntratti bla ma jafu (13). Ir-regolaturi nazzjonali għandhom għalhekk jiżguraw li l-kumpaniji li jbigħu l-prodotti online jikkonformaw mad-“dmir li jiġu offruti pariri” biex jipproteġu lill-konsumaturi. Hemm iżjed minn biżżejjed argumenti biex juru l-importanza tal-edukazzjoni finanzjarja u tal-pariri xierqa.

3.7.

Il-konsumaturi li ma jifhmux il-kunċett ta’ imgħax kompost jakkumulaw dejn akbar u jassumu rati tal-imgħax u kostijiet tat-tranżazzjoni ogħla (14), filwaqt li dawk b’għarfien finanzjarju jippjanaw aħjar, ifaddlu aktar għall-irtirar (15) u jiddiversifikaw ir-riskji finanzjarji (16). L-istess japplika wkoll fuq livell makroekonomiku, fejn il-litteriżmu finanzjarju jista’ jidher li għandu effett qawwi ta’ benefiċċju fuq it-tfaddil nazzjonali u l-akkumulazzjoni tal-ġid (17). Għal dak il-għan, huwa rrakkomandat bil-qawwi li ssir distinzjoni ċara bejn l-attivitajiet involuti fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u dawk involuti fil-bejgħ tal-prodotti, b’mod speċjali f’każijiet fejn jingħataw il-pariri. Il-pariri m’għandhom għall-ebda raġuni jintużaw bħala għodda għall-kummerċjalizzazzjoni u l-konsulenti għandhom ikunu verament indipendenti. L-informazzjoni prekuntrattwali għandha tiġi pprovduta u ppreżentata b’mod ċar u komprensiv. Il-KESE jemmen bil-qawwi li — sabiex titreġġa’ lura l-fiduċja fis-swieq tas-servizzi finanzjarji, tiżdied l-attività transkonfinali u tittejjeb il-portabbiltà tal-prodotti finanzjarji — huma meħtieġa miżuri mmirati biex jedukaw lill-investituri individwali u jtejbu l-pariri finanzjarji.

4.   Tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Green Paper

4.1.    Mistoqsijiet ġenerali:

1.   Għal liema prodotti finanzjarji tistal-provvista transkonfinali mtejba żżid il-kompetizzjoni fi swieq nazzjonali f’termini ta’ għażla u prezz aħjar?

4.1.1.

Il-Green Paper fiha mistoqsijiet li jikkonċernaw diversi prodotti u servizzi bankarji u mhux bankarji, imma jeżistu differenzi konsiderevoli bejn il-prodotti prinċipali tat-tranżazzjonijiet (bħal kontijiet kurrenti jew depożiti għal terminu fiss) u prodotti kuntrattwali (bħal self ipotekarju jew prodotti tat-tfaddil u tal-investiment). Fir-rigward ta’ prodotti tat-tfaddil u tal-investiment, xi strumenti legali oħra tal-UE (bħall-МiFID jew l-inizjattiva dwar il-bini ta’ unjoni tas-swieq kapitali) se jkollhom effett fuq is-suq meta jidħlu fis-seħħ.

4.1.2.

Fil-każ tal-prodotti kollha diskussi fil-Green Paper, il-provvista transkonfinali għandha l-potenzjal li żżid il-kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali. Madankollu, dawk bl-akbar potenzjal f’dan l-istadju huma bla dubju l-prodotti tal-pensjoni u tal-investiment. Is-sistema tal-Kummissjoni bbażata fuq skeda ta’ punteġġi tikklassifika s-suq għal dawn il-prodotti bħala l-agħar minn 31 suq tal-konsumatur (18). Il-prodotti tal-pensjoni offruti huma kkaratterizzati minn lokaliżmu u tariffi għoljin. Jekk jitqiesu l-inflazzjoni, it-tariffi ta’ ġestjoni u ħlasijiet addizzjonali, dawn il-prodotti spiss ikollhom qligħ reali negattiv u juru riżultati agħar mill-indiċijiet tas-suq rilevanti (19). Għal din ir-raġuni, il-KESE jappoġġja bil-qawwi l-idea ta’ suq uniku għall-prodotti tal-pensjoni u, b’mod iżjed speċifiku, għall-iżvilupp ta’ prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew (20) li għandu jwassal għal iżjed ekonomiji ta’ skala, prezzijiet iżjed baxxi u għażla akbar għall-konsumatur.

4.1.3.

Fir-rigward tal-prodotti tal-assigurazzjoni, xi wħud minnhom huma faċilment portabbli, bħal prodotti tal-assigurazzjoni tal-ħajja, li bihom il-klijent huwa protett anke meta jiċċaqlaq barra mill-konfini lokali. Madankollu, oħrajn għandhom elementi li huma regolati lokalment u jeħtieġu adattamenti meta l-entitajiet jipprovaw iqassmuhom f’pajjiżi differenti. L-Artikolu 11 tad-direttiva dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni (riformulazzjoni) (21) jistipula li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi punt uniku ta’ kuntatt responsabbli għall-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-regoli “ta’ interess ġenerali” fl-istess Stat Membru u jinkariga lill-EIOPA biex tinkludi fuq is-sit web tagħha, hyperlinks għas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti fejn tkun ippubblikata informazzjoni dwar dawn ir-regoli ta’ “interess ġenerali”. Barra minn hekk, il-provvista transkonfinali sħiħa xorta ma tkunx possibbli — u lanqas mixtieqa — minħabba l-ħtiġijiet attwali tal-klijenti li huma moqdija mill-prodotti u minħabba differenzi fl-imġiba u fil-fatturi ta’ riskju li jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-prodotti. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir soluzzjonijiet li se jgħinu biex jimmitigaw in-nuqqas ta’ portabbiltà ta’ prodotti u jirrakkomanda li f’xi każijiet jistgħu tal-anqas jinstabu soluzzjonijiet parzjali, bħal possibbiltajiet għad-detenturi ta’ polza li jħallsu biss għad-differenzi bejn il-kopertura ogħla u l-koperturi l-baxxi fi Stati Membri differenti.

2.   X’inhuma l-ostakoli li jipprevjenu lill-kumpaniji milli jipprovdu direttament servizzi finanzjarji b’mod transkonfinali u lill-konsumaturi milli jixtru direttament prodotti b’mod transkonfinali?

4.1.4.

L-aktar ostakli sostanzjali min-naħa tal-provvista huma elenkati fil-punt 3.2. Biex dawn jingħelbu, huwa essenzjali li:

ssir simplifikazzjoni tal-proċeduri legali transkonfinali marbuta mal-infurzar effikaċi tas-sentenzi tal-qorti;

ikun hemm regoli komuni u standards għal:

l-identifikazzjoni tal-klijenti, f’konnessjoni mar-rekwiżiti ta’ għarfien dwar il-klijenti u kontra l-ħasil tal-flus;

l-identifikazzjoni ta’ kumpaniji, abbażi ta’ kif imexxu n-negozju tagħhom jew — alternattivament — identifikazzjoni xierqa tal-benefiċjarji finali;

kuntratti online ta’ prodotti finanzjarji (pereżempju, fondi, xiri ta’ ishma għall-flus, eċċ.);

il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti u servizzi finanzjarji (pereżempju, fil-każ ta’ kampanji ta’ reklamar aggressivi);

il-kumpaniji tad-distribuzzjoni li jipprovdu l-prodotti lill-klijenti (pereżempju prodotti tal-assigurazzjoni);

rekwiżiti minimi ta’ informazzjoni standardizzati biex jiġi kkonfermat is-sors tal-fondi;

trasparenza/komparabbiltà — informazzjoni minima standardizzata dwar prodotti u servizzi (għoti ta’ informazzjoni mhux biss dwar l-ispejjeż li se jġarrbu l-konsumaturi, imma wkoll dwar il-benefiċċji li se jgawdu);

jitqiesu l-ostakoli fiskali, b’mod speċjali għall-prodotti tat-tfaddil u tal-investiment, għaliex jista’ jkollhom impatt kbir fuq il-profittabbiltà. Ħafna prodotti huma żviluppati, pereżempju, biex japprofittaw minn opportunitajiet maħluqa minn regolaturi fiskali sabiex jinkoraġġixxu t-tfaddil b’mod speċifiku (jiġifieri t-tfaddil fit-tul huwa ġeneralment ippreferut imma l-livelli limiti jew il-veikoli li jirċievu dan it-trattament ta’ benefiċċju jvarjaw ħafna minn pajjiż għal ieħor);

il-komunikazzjoni mar-regolatur ospitanti mir-regolatur tal-oriġini suppost li hija biżżejjed biex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti jew piżijiet addizzjonali, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm il-livell stabbilit ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Barra minn hekk, għandha tittieħed azzjoni biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn il-fornituri jġarrbu spejjeż addizzjonali biex jikkonformaw mar-regolamenti lokali.

4.1.5.

L-aktar ostakli sinifikanti min-naħa tal-provvista huma elenkati fil-punt 3.3.

3.   Jistgħu jingħelbu xi wħud minn dawn l-ostakoli fil-ġejjieni permezz tad-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni fis-settur tat-teknoloġija finanzjarja?

4.1.6.

Bis-saħħa ta’ teknoloġiji ġodda, b’mod partikolari d-diġitalizzazzjoni, huwa possibbli, għall-ewwel darba, li jkun hemm kisba reali fil-provvista transkonfinali ta’ prodotti finanzjarji. Jista’ jkollhom rwol konsiderevoli biex jipprovdu aktar informazzjoni u ta’ kwalità aħjar, biex iżidu t-trasparenza u l-komparabbiltà tal-prodotti u biex jidentifikaw il-klijenti. Barra minn hekk, dawn jistgħu joffru benefiċċji kost-effettivi, billi jeliminaw il-bżonn li jinżammu punti ta’ kuntatt li jinsabu fiżikament fuq il-post. Madankollu, mhumiex sostitut biex jingħelbu ostakoli importanti oħra, bħal-livell mhux indaqs tal-armonizzazzjoni ta’ reġimi legali u tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

4.   X’jista’ jsir biex jiġi żgurat li d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji ma tirriżultax f’żieda fl-esklużjoni finanzjarja, b’mod partikolari ta’ dawk diġitalment illitterati?

4.1.7.

Ma jistax ikun hemm dubju li, fil-futur, xorta se jkun hemm persuni li, għal raġuni jew oħra, ma jkunux kapaċi jużaw it-teknoloġiji diġitali. Dan m’għandux jiskoraġġixxi sforzi biex jiġi inkoraġġit l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji fil-forniment ta’ prodotti finanzjarji. Dan għaliex, l-ewwel nett, il-mezzi tradizzjonali tal-provvista ta’ dawn il-prodotti se jkomplu jeżistu għal żmien twil u, it-tieni nett, dawn il-persuni se jkunu jistgħu jaċċessaw firxa usa’ ta’ prodotti fuq il-bażi ta’ servizzi ta’ pariri finanzjarji regolati sewwa.

5.   X’għandu jkun l-approċċ tagħna jekk l-opportunitajiet ippreżentati mit-tkabbir u l-firxa tat-teknoloġiji diġitali jwasslu għal riskji ġodda għall-protezzjoni tal-konsumaturi?

4.1.8.

Bla dubju l-użu mifrux tat-teknoloġiji diġitali se joħloq sfidi għas-sigurtà tal-informazzjoni u għall-protezzjoni tad-data u tal-konsumaturi. Għalhekk, flimkien mad-diversi regolamenti li jirregolaw il-provvista ta’ — u d-domanda għal — prodotti finanzjarji permezz ta’ dawn it-teknoloġiji, għandha titwettaq valutazzjoni tar-riskji ppreżentati minn dawn l-isfidi u jiġu proposti modi kif jistgħu jiġu mminimizzati.

6.   Il-klijenti għandhom aċċess għal prodotti finanzjarji sikuri, sempliċi u li jinftiehmu madwar l-Unjoni Ewropea? Jekk le, x’jista’ jsir biex nipprovdu dan l-aċċess?

4.1.9.

M’hemmx definizzjoni komunement aċċettata għal prodotti finanzjarji sikuri, sempliċi u li jinftiehmu. Madankollu, il-fehim ġenerali huwa li dawn il-prodotti għandu jkollhom karatteristiċi bħal trasparenza fil-prezzijiet, adegwatezza u li kapaċi jiġu mifhuma fil-lingwa tal-utent għal komunikazzjoni effikaċi, possibbiltajiet ta’ paragun ma’ prodotti simili, ċarezza, u riżultati sempliċi. Dawn ma jinkisbux faċilment f’dinja kumplessa bħal dik tas-suq finanzjarju.

4.1.10.

Il-prodotti b’dawn il-karatteristiċi fis-sens strett tagħhom huma rarament disponibbli fis-swieq u b’riżultat ta’ dan il-konsumaturi ma jkollhomx aċċess faċli għalihom. Dan huwa minnu kemm għal pajjiżi bi swieq finanzjarji żviluppati tajjeb kif ukoll għal dawk bi swieq anqas żviluppati. Il-varjetà wiesgħa ta’ prodotti li teżisti f’xi Stati Membri mhux neċessarjament tagħmel l-affarijiet iżjed faċli għall-konsumaturi, għaliex tista’ twassal għal konfużjoni, għal diffikultà biex jiddeċiedu u finalment biex jagħmlu l-għażla l-ħażina.

4.1.11.

L-aċċess għal dawn il-prodotti jista’ jingħata billi tiġi stabbilita klassi bażika ta’ prodotti finanzjarji (22) fil-livell Ewropew li jikkonformaw ma’ rekwiżiti standardizzati speċifiċi skont il-ħtiġijiet li huma mmirati biex jissodisfaw. Dawn għandhom ikunu ċċertifikati u jkollhom isem speċifiku sabiex ikunu rikonoxxuti faċilment mill-konsumaturi. Din il-klassi tista’ tinkludi prodotti komuni bħal kontijiet ta’ tfaddil differenti u assigurazzjoni tal-ħajja b’terminu fiss. Ir-rata ta’ kummerċjalizzazzjoni transkonfinali relattivament għolja ta’ UCITS tagħti lok li wieħed jistenna li l-PEPP jista’ jinħoloq fuq il-bażi tal-fatturi ta’ suċċess tal-UCITS u jiġi inkluż fl-istess klassi. L-eżistenza ta’ tali klassi ta’ prodotti żżid il-kunfidenza fis-swieq finanzjarji.

7.   Il-kwalità tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur madwar l-UE hija ta’ problema għall-fiduċja tal-konsumaturi u għall-integrazzjoni tas-suq?

4.1.12.

F’ħafna pajjiżi, ir-“regolamentazzjoni żejda” (23), interpretazzjonijiet differenti tal-leġiżlazzjoni Ewropea, dewmien fl-armonizzazzjoni, u differenzi fit-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea f’leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll differenzi fl-applikazzjoni konkreta, ġew osservati, b’mod li jwassal għal rekwiżiti amministrattivi u ostakoli eċċessivament għolja. Dawn kollha huma ostakoli għall-integrazzjoni u għandhom effett ħażin fuq il-kunfidenza tal-konsumaturi.

4.1.13.

L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) huma responsabbli mill-protezzjoni tal-konsumaturi. Il-KESE jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta’ dan il-kompitu, f’konformità mal-prinċipji li ġejjin:

il-mobilità tal-konsumatur bejn fornituri differenti ma għandhiex tkun għan assolut: din tiddependi dejjem mill-għażla tal-konsumatur u din l-għażla hija determinata minn fatturi differenti: kwalità u diversità tal-prodotti u s-servizzi offruti, komplementarjetà potenzjali tal-offerti, livell ta’ sodisfazzjoni, u oħrajn;

il-prattika ta’ bejgħ konness ta’ prodotti finanzjarji offruti flimkien għandha tiġi eżerċitata b’kawtela u għandha tingħata informazzjoni ċara u trasparenti lill-klijenti. Meta jiġu offruti dawn il-prodotti, għandhom ikunu traċċabbli (24).

4.1.14.

Finalment, l-ASE għandhom dejjem jiffavorixxu prattiki li huma aħjar għall-klijenti. Għandha tingħata prijorità biex:

titnaqqas il-kumplessità tal-qafas regolatorju attwali;

jiġu żgurati r-riżorsi meħtieġa għall-attivitajiet tal-ASE;

jiġi inkoraġġit il-litteriżmu finanzjarju fost il-konsumaturi.

8.   Hemm evidenza oħra li għandha titqies jew hemm żviluppi oħra li jeħtieġ li jitqiesu fir-rigward tal-kompetizzjoni transkonfinali u tal-għażla fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur?

4.1.15.

Il-Green Paper tittratta x-xejriet predominanti ta’ bħalissa, jiġifieri l-kompetizzjoni transkonfinali dgħajfa fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur u l-għażla limitata ta’ prodotti finanzjarji għall-konsumaturi.

4.2.    Għajnuna għall-konsumaturi biex jixtru prodotti finanzjarji b’mod transkonfinali

4.2.1.   Għarfien dwar x’hemm disponibbli

4.2.1.1.

Informazzjoni aħjar għall-klijenti u għajnuna biex jibdlu

9.   Liema jkun l-aktar mezz adattat għas-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar is-servizzi finanzjarji u l-prodotti tal-assigurazzjoni għall-konsumatur differenti disponibbli madwar l-UE?

4.2.1.1.1.

Iż-żieda fil-litteriżmu finanzjarju u l-aċċessibbiltà għal pariri finanzjarji bla dubju huma essenzjali. Il-konsumaturi mhux biss għandu jkollhom informazzjoni aċċessibbli, imma anke jkunu kapaċi jifhmuha jew ikollhom aċċess għal servizzi ta’ pariri finanzjarji ta’ kwalità għolja u adatta.

4.2.1.2.

Minkejja x-xejra dejjem tikber fost il-konsumaturi li jużaw servizzi diġitali biex jiksbu l-informazzjoni, proporzjon konsiderevoli minnhom xorta jippreferu l-kuntatt personali, b’mod speċjali meta jinnegozjaw il-prodotti. Minħabba l-istat attwali tal-għarfien, l-imġiba u l-preferenzi tal-konsumaturi, madankollu, il-banek jistgħu jaħsbu dwar mezzi aktar adattati biex iżidu l-għarfien tal-konsumaturi dwar is-servizzi finanzjarji — sit web pan-UE għall-konsumaturi, pereżempju. Is-sorsi ta’ finanzjament ta’ tali sit web għandhom jiġu diskussi aktar, iżda jistgħu jikkombinaw l-isforzi tal-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u ta’ aggregaturi. Meta tinħoloq għodda bħal din, għandu jitqies il-fatt li l-faċilitajiet ta’ tqabbil tal-assigurazzjoni jappartjenu primarjament f’kuntest ta’ fehim kulturali nazzjonali. Għalhekk se jkun diffiċli ħafna għal servizz ta’ tqabbil tal-assigurazzjoni pan-Ewropew li jirnexxielu jindirizza d-diversità tal-utenti/klijenti fl-Ewropa, speċjalment rigward il-paragun tar-riskju li jkollu jiġi kopert, u li jkun jinsab f’kuntest kulturali, legali, fiskali u soċjali, eċċ. f’livell nazzjonali u lokali.

10.   X’jista’ jsir aktar biex tiġi ffaċilitata d-distribuzzjoni transkonfinali tal-prodotti finanzjarji permezz tal-intermedjarji?

4.2.1.2.1.

Il-KESE jappoġġja l-isforzi biex is-suq ikun aktar effettiv, flessibbli u trasparenti u jappoġġja l-fokus attwali tal-inizjattiva regolatorja fuq protezzjoni aħjar għall-konsumaturi. Il-KESE huwa tal-fehma li l-kwalità tas-servizzi li takkumpanja l-provvista tas-servizzi finanzjarji tista’ tittejjeb ukoll permezz ta’ użu aħjar tal-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni u billi jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ intermedjarji differenti, b’persunal imħarreġ tajjeb u kkwalifikat u metodoloġija adegwata biex tiġi pprovduta informazzjoni kompluta, oġġettiva u komparabbli għall-għażla tal-konsumatur.

11.   Hija meħtieġa aktar azzjoni biex tiġi inkoraġġita l-komparabbiltà u/jew iffaċilitat il-bdil għal servizzi finanzjarji għall-konsumatur minn fornituri li jinsabu fl-istess Stat Membru jew fi Stat Membru ieħor? Jekk iva, liema azzjoni u għal liema segmenti ta’ prodotti?

4.2.1.2.2.

L-informazzjoni pprovduta għandha tkun preċiża, rilevanti u li tinftiehem mill-utenti. Għandu jiġi evitat li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni żejda, kif ukoll li tiġi ssimplifikata żżejjed ir-realtà sabiex jiġi enfasizzat qligħ akbar. Eżempju tajjeb hawnhekk huwa l-prattika tal-bdil ta’ fornituri tas-servizzi finanzjarji fir-Renju Unit, fejn il-preċiżjoni tal-bdil bejn il-bank mittenti u l-bank riċeventi hija ggarantita minn parti terza indipendenti, li tiżgura li l-proċess tal-bdil jitwettaq b’mod sempliċi u trasparenti u fi żmien sebat ijiem tax-xogħol. Waħda mill-aħjar prattiki oħrajn hija l-portabilità ta’ self ipotekarju introdotta fl-Italja fl-2006 (25).

4.2.1.3.

Indirizzar ta’ tariffi kumplessi u għoljin b’mod projbittiv għal tranżazzjonijiet barranin

12.   X’jista’ jsir aktar fil-livell tal-UE biex tiġi indirizzata l-problema ta’ tariffi eċċessivi imposti għal pagamenti transkonfinali (eż. trasferimenti ta’ kreditu) li jinvolvu muniti differenti fl-UE?

4.2.1.4.

Ir-Regolament tal-UE 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) diġà elimina d-differenzi fil-miżati applikabbli għall-pagamenti transkonfini f’euro rigward ħlasijiet korrispondenti f’euro fuq livell nazzjonali. Tista’ ssir valutazzjoni ad hoc biex tivverifika jekk l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-valuti kollha fi ħdan l-UE (jiġifieri, l-allinjament tal-miżati transfruntiera u domestiċi għal xi pagament iddenominat f’valuta partikolari) ikunx jagħmel sens u jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. Rigward l-informazzjoni pprovduta lil utenti ta’ servizzi ta’ pagament skont id-Direttiva ġdida dwar il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament (PSD2) (27), il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom jinfurmaw lill-klijent — l-utent ta’ servizzi ta’ pagament — qabel ma dan ikun marbut b’kuntratt jew offerta, dwar it-tariffi kollha li jrid iħallas lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament kif ukoll ir-rata tal-kambju attwali jew ta’ referenza li għandha tiġi applikata fit-transazzjoni ta’ pagament, fil-każ fejn tkun tapplika konverżjoni tal-munita. Ladarba tkun saret it-tranżazzjoni, il-PSD2 fiha dispożizzjonijiet simili dwar informazzjoni li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament iridu jipprovdu lil min iħallas u lil min jitħallas. Il-KESE jemmen li m’hemm bżonn l-ebda azzjoni oħra, peress li l-PSD2 diġà timponi rekwiżiti ċari dwar trasparenza fuq il-fornituri ta’ pagamenti. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 924/2009 dwar il-ħlasijiet transkonfinali tista’ tiġi estiża għal valuti oħra mhux tal-euro fl-UE.

13.   B’żieda mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni eżistenti  (28) , hija meħtieġa xi azzjoni ulterjuri biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jafu x’tariffi qed jiġu imposti għall-konverżjoni tal-munita meta jagħmlu tranżazzjonijiet transkonfinali?

4.2.1.5.

Il-KESE jemmen li l-PSD2 tistabbilixxi rekwiżiti ċari għal trasparenza li jippermettu kemm lil min iħallas kif ukoll lil min jitħallas biex jiġu infurmati dwar ir-rata tal-kambju applikata qabel u wara li ssir it-tranżazzjoni transkonfinali. Din id-Direttiva għandha tiġi trasposta f’liġi nazzjonali sa mhux aktar tard mit-13 ta’ Jannar, 2018, u għalhekk l-ebda azzjoni ulterjuri mhija meħtieġa.

4.2.2.   L-aċċess għas-servizzi finanzjarji minn kullimkien fl-Ewropa

14.   X’jista’ jsir biex tiġi limitata d-diskriminazzjoni mhux iġġustifikata għal raġunijiet ta’ residenza fis-settur finanzjarju għall-konsumatur, inkluż l-assigurazzjoni?

Il-forniment ta’ servizzi finanzjarji għall-konsumatur barra l-pajjiż mhuwiex faċli u jista’ ma jkunx ekonomikament vijabbli għall-operaturi kkonċernati. Id-differenzi kulturali bejn il-konsumaturi fir-rigward tar-rieda li jieħdu r-riskju, l-imġiba, l-esperjenza u l-litteriżmu finanzjarju jistgħu jkunu sinifikanti wisq. Il-banek huma konxji li l-kunfidenza hija aspett ewlieni tar-relazzjonijiet finanzjarji. Għal din ir-raġuni, jistgħu jippreferu li jikkuntattjaw lill-klijenti li jikkondividu l-istess għarfien u għandhom aspettattivi li jifhmu. Fi kwalunkwe każ, l-armonizzazzjoni tar-regoli mniżżla fit-tweġiba għall-Mistoqsija 2 għandha tgħin b’mod konsiderevoli f’dan ir-rigward.

4.2.2.1.

Għall-assiguraturi ir-residenza hija sinifikanti għaliex:

Fatturi lokali bħall-klima jew is-sismografija jeħtieġ li jitqiesu meta tittieħed id-deċiżjoni, pereżempju, il-kundizzjonijiet u l-ipprezzar tal-assigurazzjoni tad-djar; mingħajr ċerta massa krtika jkun impossibbli li jingħataw servizzi fuq bażi konvenjenti. Il-mudelli tal-attwarji joperaw b’marġni għoli ta’ żball meta n-numru ta’ avvenimenti użat għall-kalkoli ma jkunx għoli biżżejjed. Barra minn hekk, meta r-riskji jiġu ħħeġġjati permezz tar-riassigurazzjoni, il-mudelli tar-riassigurazzjoni jipprezzaw l-iħħeġġjar b’mod differenti abbażi tal-lokalità.

Dawn l-elementi kollha jagħmlu l-forniment tas-servizzi u l-prodotti tal-assigurazzjoni barra mill-pajjiż aktar diffiċli milli f’dawk il-pajjiżi fejn hemm biżżejjed volum ta’ operazzjonijiet, u dan ma għandux jitqies bħala diskriminazzjoni abbażi tal-post ta’ residenza tal-konsumaturi.

Il-provvediment transkonfinali ta’ ċerti prodotti tal-assigurazzjoni huwa diffiċli ħafna, kważi impossibbli f’każijiet fejn il-ħtiġijiet reali tal-klijent li jużaw il-prodotti jkunu dipendenti ħafna mid-diversità kulturali u minn differenzi fl-imġiba u fatturi ta’ riskju li huma strettament determinati fil-livell nazzjonali.

Għandu jitqies l-aspett fiżjoloġiku tas-servizzi. Is-servizz tal-assigurazzjoni jingħata meta l-klijent ikun effettivament qed jesperjenza l-problemi. F’dan il-mument, huwa mistenni li l-klijent ikollu bżonn appoġġ u fehim. Jekk ikun daħal f’kuntratt għall-prodott tal-assigurazzjoni tiegħu permezz tal-Internet ma’ kumpanija bbażata barra mill-pajjiż, u forsi b’użu ta’ lingwa li ma tkunx il-lingwa materna tiegħu, huwa jista’ ma jħossux sigur fiż-żmien meta għandu bżonn dan l-appoġġ.

Il-konsumaturi f’xi Stati Membri għandhom tendenza jippreferu rimborż f’każ ta’ danni, filwaqt li f’xi Stati Membri oħrajn jippreferu li jsiru tiswijiet għal kollox.

4.2.2.2.

Żieda fil-portabbiltà tal-prodotti

15.   X’jista’ jsir fil-livell tal-UE biex tiġi ffaċilitata l-portabbiltà tal-prodotti finanzjarji għall-konsumatur, bħall-assigurazzjoni tal-ħajja u l-assigurazzjoni tas-saħħa privata?

4.2.2.2.1.

F’termini ġenerali, il-prodotti tal-assigurazzjoni li joffru rimunerazzjoni jew ħlas sempliċi jkunu iżjed portabbli b’mod faċli minn dawk li joffru servizz jew immaniġġjar ta’ pretensjonijiet.

4.2.2.2.2.

Il-prodotti tal-assigurazzjoni tal-ħajja diġà huma portabbli sa ċertu punt fis-sens li l-klijent huwa kopert meta jivvjaġġa barra mill-pajjiż, ħlief f’ċerti każijiet jekk jivvjaġġa lejn pajjiżi ta’ riskju għoli. L-assigurazzjoni tal-ħajja lokali tipprovdih ukoll b’kopertura irrispettivament minn fejn jinsab. Imma xorta jibqa’ l-każ meta detentur ta’ polza jiċċaqlaq lejn pajjiż ieħor mhux bħala vjaġġatur imma bħala resident permanenti. F’din is-sitwazzjoni għandu jkun kapaċi jkompli bl-assigurazzjoni tiegħu billi jaġġusta l-primjum jew il-kopertura tal-polza. Dawn kollha jkunu każijiet li fihom il-prodotti tal-assigurazzjoni joffru ammont ta’ flus determinat.

4.2.2.2.3.

Prodotti oħra tal-assigurazzjoni mhumiex faċilment portabbli per se, għaliex il-kundizzjonijiet tagħhom huma intrinsikament relatati mal-elementi tal-pajjiż. Pereżempju, fil-każ tal-assigurazzjoni tas-saħħa, id-disinn u l-ipprezzar tal-prodott huma dipendenti ħafna mill-kopertura pprovduta mis-sistema tas-saħħa pubblika f’kull pajjiż partikolari.

4.2.2.2.4.

Marbut ma’ dan, hemm ukoll il-kwistjoni ta’ skala: l-adattament tal-prodott speċifikament għall-klijent għall-kundizzjonijiet attwali li jista’ jitlob meta jgħix barra mill-pajjiż huwa teoretikament possibbli, imma dak jimplika r-rinunzja għall-possibbiltajiet li jinkisbu ekonomiji ta’ skala. Il-prodott ikun wisq personalizzat għall-każ tiegħu u l-entità li tipprovdi l-prodott tkun anqas kompetittiva mill-fornituri lokali attwali. L-aħjar alternattiva hawnhekk tkun il-promozzjoni ta’ kollaborazzjoni bejn il-kumpaniji tal-assigurazzjoni bi preżenza f’pajjiżi Ewropej differenti.

4.2.2.3.

Każ ieħor ta’ prodotti tal-assigurazzjoni li joffru servizzi huma l-assigurazzjoni tad-djar u tal-karozzi. Dawk il-prodotti li joffru tiswija ta’ ħsara jew jittrattaw inċidenti bil-karozzi jeħtieġu li l-kumpanija tal-assigurazzjoni jkollha ftehimiet mal-fornituri ta’ servizzi madwar il-pajjiż, li jirrikjedi ċertu skala biex ikunu kummerċjalment vijabbli. Madankollu, alternattiva fattibbli hija l-promozzjoni tal-kooperazzjoni ma’ kumpaniji lokali (tal-assigurazzjoni) biex joffru dan is-servizz f’pajjiżi oħra

4.2.2.4.

Niffaċilitaw l-aċċess għal — u r-rikonoxximent ta’ — assigurazzjoni tal-indennità professjonali b’mod transkonfinali

16.

X’jista’ jsir fil-livell tal-UE biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-fornituri tas-servizzi għal assigurazzjoni tal-indennità professjonali obbligatorja u r-rikonoxximent transkonfinali tagħha?

4.2.3.

Mod wieħed li jippermetti l-aċċess għall-indennità professjonali obbligatorja fuq bażi transkonfinali jkun l-armonizzazzjoni tal-ammonti u l-kundizzjonijiet tal-indennità professjonali obbligatorja.

4.2.3.1.

Nagħtu li l-persuni il-fiduċja u l-kunfidenza biex jibbenefikaw minn opportunitajiet f’partijiet oħra tal-Ewropa

4.2.3.2.

Niffaċilitaw l-aċċess għal — u r-rikonoxximent ta’ — assigurazzjoni tal-indennità professjonali b’mod transkonfinali

17.   Jeżisti l-bżonn ta’ azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE biex jiżdiedu t-trasparenza u l-komparabbiltà tal-prodotti finanzjarji (b’mod speċjali permezz ta’ soluzzjonijiet diġitali) fir-rigward taż-żieda fil-kunfidenza tal-konsumaturi?

4.2.3.2.1.

Il-KESE jqis li s-siti web indipendenti li jipprovdu informazzjoni u jippermettu l-paragun tal-prodotti u servizzi speċifiċi offruti minn fornituri differenti fi Stati Membri differenti huma alternattiva tajba possibbli biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni. Huwa jappoġġja ferm l-idea ta’ sit web uffiċjali mibni apposta, li jista’ jkun sostnut minn amministratur assenjat fil-livell leġiżlattiv, bil-fornituri obbligati li huma stess jaġġornaw l-informazzjoni f’ċerti intervalli ta’ żmien, jew permezz ta’ netwerk imwaqqaf minn organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fl-Istati Membri. Siti web differenti jistgħu wkoll ikunu konnessi f’sistema deċentralizzata u interkonnessa.

Meta jintużaw soluzzjonijiet diġitali biex isir paragun, il-pjattaformi għandhom jipprovdu informazzjoni ċara għall-finijiet tal-paragun ta’ prodotti ekwivalenti u tar-riskji li l-konsumaturi jistgħu jiffaċċjaw meta jużawhom. Meta jkun hemm iżjed differenzi minn kemm tista’ tqabbel il-pjattaforma (il-fokus prinċipali tal-pjattaformi huwa normalment il-prezz), il-karatteristiċi mhux paragunati għandhom jiġu speċifikati b’mod ċar. Il-kundizzjonijiet sinifikanti kollha relatati mad-differenzjazzjoni fil-prodotti għandhom ikunu elenkati wkoll. Il-konsumaturi għandhom jingħataw twissija ċara dwar ir-riskji possibbli meta jużaw pjattaformi tal-paragun (pereżempju, billi jaggregaw id-data personali tagħhom).

4.2.3.2.2.

Il-paragun għandu jkun dak ta’ parametri sinifikanti u m’għandux ikun qarrieqi. L-użu tad-data personali għandu jkun limitat għal minimu assolut meħtieġ biex jingħata benefiċċju lill-konsumaturi, filwaqt li l-informazzjoni għandha tingħata b’mod li jkun ċar u faċli biex jinftiehem.

4.2.3.3.

Titjib tar-rimedju fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur

18.   Għandhom jittieħdu xi miżuri biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar FIN-NET (Netwerk għar-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim Finanzjarju tal-UE għal litigazzjoni transkonfinali) u l-effikaċja tiegħu, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim?

4.2.3.3.1.

Is-soluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti hija proċedura ferm iżjed flessibbli mill-proċeduri tal-qorti: orħos, aktar malajr u b’ferm anqas formalitajiet. Din il-proċedura hija partikolarment utli internazzjonalment u, fid-dawl taż-żieda mixtieqa fil-provvista transkonfinali ta’ — u d-domanda għal — servizzi finanzjarji, FIN-NET għandu jingħata rwol akbar. B’diżappunt, is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar x’jista’ joffri l-FIN-NET hija relattivament baxxa f’dan l-istadju u għandhom jittieħdu miżuri biex dan jittejjeb. Barra minn hekk, mhux l-Istati Membri kollha tal-UE — 22 biss minn 28 — huma membri ta’ FIN-NET (29). Jekk din is-sitwazzjoni tippersisti, ovvjament ma jkunx possibbli li FIN-NET jintuża bħala infrastruttura li tiffaċilita l-bini ta’ suq uniku għas-servizzi finanzjarji. Il-possibbiltajiet ta’ rekwiżit regolatorju f’dan ir-rigward għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa.

19.   Il-konsumaturi għandhom aċċess adegwat għal kumpens finanzjarju fil-każ ta’ bejgħ inadatt ta’ prodotti finanzjarji u assigurazzjoni għall-konsumatur? Jekk le, x’jista’ jsir biex jiġi garantit dan l-aċċess?

4.2.3.3.2.

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, m’hemmx dan l-aċċess. Il-kunċett tal-bejgħ inadatt għadu fil-biċċa l-kbira ma jinftehimx u ma jiġix applikat b’mod prattiku minħabba l-formulazzjoni mhux ċara tiegħu u n-nuqqas ta’ esperjenza fost l-awtoritajiet regolatorji (30). F’ħafna postijiet, it-testijiet biex jiġu ddeterminati l-prodotti finanzjarji adegwati għall-klijenti huma formali u ma jirriżultawx fl-għażla tal-aktar prodotti adatti għalihom.

4.2.3.3.3.

Ikun possibbli li jiġi ggarantit l-aċċess għal kumpens finanzjarju jekk tiġi introdotta definizzjoni waħda, preċiża u prattika ta’ “bejgħ inadatt” u tiġi infurzata prattika regolatorja pan-Ewropea biex tissanzjona dan il-bejgħ (31).

4.2.3.4.

Protezzjoni ta’ vittmi meta l-assiguraturi tal-vetturi huma insolventi

20.   Hija meħtieġa azzjoni biex tiżgura li l-vittmi ta’ inċidenti bil-karozzi jkunu koperti minn fondi ta’ garanzija minn Stati Membri oħra fil-każ li l-kumpanija tal-assigurazzjoni ssir insolventi?

4.2.3.5.

Hemm eżempju tal-aħjar prattika fi Spanja. L-entità Spanjola “Consorcio de Compensación de Seguros” taġixxi bħala assiguratur fil-każ li ma jkun hemm l-ebda kumpanija tal-assigurazzjoni li taċċetta r-riskju jew fin-nuqqas ta’ kumpanija tal-assigurazzjoni — fil-każ ta’ insolvenza, pereżempju, u dejjem fuq bażi sussidjarja. Il-garanzija ta’ din l-entità tapplika biss għal entitajiet Spanjoli. Biex jiġi żgurat li l-vittmi ta’ inċidenti bil-karozzi jkunu koperti fl-istess livell, il-Kummissjoni Ewropea se jkollha tirrikjedi skema ta’ garanzija simili fl-Istati Membri kollha. Jista’ jiġi previst li jiġi estiż strument simili fuq bażi Ewropea għal pajjiżi fejn din ma teżistix.

4.2.3.6.

Żieda fit-trasparenza u l-komparabbiltà ta’ assigurazzjoni anċillari

21.   X’miżuri ulterjuri jistgħu jittieħdu biex tissaħħaħ it-trasparenza dwar prodotti tal-assigurazzjoni anċillari u biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu deċiżjonijiet informati tajjeb biex jixtru dawn il-prodotti? Fir-rigward tas-settur tal-kiri tal-karozzi, huma meħtieġa miżuri speċifiċi fir-rigward ta’ prodotti miżjuda?

4.2.3.6.1.

Id-Direttiva l-ġdida dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni (32) saħħet ir-rekwiżiti tat-trasparenza fl-informazzjoni għad-distributuri tal-assigurazzjoni, inkluż — minkejja li b’ċerti restrizzjonijiet (livell limitu) — għall-intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari. Barra minn hekk, ħames kumpaniji prinċipali tal-kiri tal-karozzi impenjaw ruħhom fl-2015 li jtejbu s-siti web tagħhom biex jinformaw aħjar lill-konsumaturi dwar eżenzjonijiet fakultattivi u prodotti tal-assigurazzjoni. Dawn huma passi tajbin ‘il quddiem. L-Istati Membri se jkollhom sat-23 ta’ Frar 2018 biex jittrasponu d-Direttiva dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni u għalhekk għadu kmieni wisq biex jingħad jekk humiex meħtieġa miżuri ulterjuri. Fl-istess ħin, jidher li huwa rakkomandabbli li l-Kummissjoni timmonitorja jekk l-impenji tal-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi ġewx issodisfati, li ma jirrigwardawx biss il-prodotti tal-assigurazzjoni, u tqis miżuri ulterjuri biex issaħħaħ it-trasparenza u tevita d-detriment għall-konsumaturi.

4.2.3.6.2.

Fil-każ ta’ setturi tal-kiri tal-karozzi, huwa importanti li jitqies il-fatt li r-rekwiżiti tal-prodotti tal-assigurazzjoni miżjuda spiss huma differenzjati skont il-profil tar-riskju tal-kerrej (normalment marbut ma’ limitu ta’ karta tal-kreditu) jew skont il-proporzjon tal-pretensjonijiet fuq il-vetturi jew karatteristiċi oħra tas-suq tal-Istat Membru. Iżda fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni prekuntrattwali u l-isforzi biex l-offerti differenti jkunu komparabbli huma importanti għall-konsumaturi u għalhekk ikun rakkomandabbli li nistennew sakemm ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva jkun daħlu fis-seħħ għalkollox biex jiġi analizzat jekk humiex meħtieġa miżuri ulterjuri.

4.3.    Il-ħolqien ta’ opportunitajiet tas-suq ġodda għall-fornituri

4.3.1.   Nindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet ippreżentati mid-diġitalizzazzjoni

4.3.1.1.

Għajnuna lill-kumpaniji biex jagħmlu użu aħjar mid-diġitalizzazzjoni

22.   X’jista’ jsir fil-livell tal-UE biex jiġu appoġġjati kumpaniji fil-ħolqien u l-forniment ta’ servizzi finanzjarji diġitali innovattivi madwar l-Ewropa, b’livelli adatti ta’ sigurtà u protezzjoni għall-konsumatur?

4.3.1.1.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-promozzjoni ta’ servizzi finanzjarji diġitali innovattivi madwar l-Ewropa. Madankollu, jammetti li l-banek huma l-akbar fornituri ta’ servizzi finanzjarji u jeħtieġ li jiġu inkoraġġiti wkoll biex b’mod attiv jieħdu l-opportunitajiet offruti mir-revoluzzjoni diġitali. Għal dak il-għan, għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli bħall-kompetituri tagħhom li jipprovdu servizzi simili, u dan jitlob għal reviżjoni tas-saffi prinċipali tar-regolamentazzjoni tal-banek f’numru konsiderevoli ta’ oqsma sabiex jiġu pprovduti kundizzjonijiet kompetittivi ugwali f’termini ta’:

rekwiżiti prudenzjali;

provvista ta’ servizzi ta’ pagament;

applikabbiltà tar-rekwiżiti għall-proċeduri tal-għarfien dwar il-klijenti u kontra l-ħasil tal-flus;

rakkomandazzjonijiet fir-rigward tas-sigurtà matul il-pagamenti;

sigurtà elettronika l-aktar avvanzata.

4.3.1.2.

Nippermettu l-firem elettroniċi u l-verifika tal-identità

23.   Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri biex tittejjeb l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fil-livell tal-UE, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi jkunu jistgħu jidentifikaw il-klijenti mill-bogħod, filwaqt li jinżammu l-istandards tal-qafas attwali?

4.3.1.2.1.

Għad hemm differenzi bejn ir-regolamenti dwar l-identifikazzjoni elettronika u r-rekwiżiti ta’ għarfien dwar il-klijenti u kontra l-ħasil tal-flus. Ir-regolamenti eżistenti jirrikjedu li jitwettqu identifikazzjoni personali u evalwazzjonijiet personali biex il-klijenti jiġu aċċettati fuq bażi permanenti. Dawn ir-rekwiżiti jillimitaw l-iżvilupp ta’ servizzi finanzjarji kompletament diġitali, u jżidu ostakoli sinifikanti biex jiġu aċċettati konsumaturi ġodda u jżidu l-ispejjeż.

4.3.1.2.2.

Tinħtieġ aktar azzjoni biex tegħleb in-nuqqas ta’ mekkaniżmu mifrux mal-Ewropa kollha għall-identifikazzjoni elettronika u l-firem elettroniċi minħabba d-differenzi fil-pratikki nazzjonali. Minkejja li r-regolamenti jistabbilixxu standards komuni għall-firem diġitali fl-Istati Membri, il-mod kif jiġu applikati fil-livell nazzjonali mill-operaturi lokali jimpedixxi r-rikonoxximent transkonfinali tal-firem diġitali. L-operaturi diġitali lokali mhumiex interkonnessi u dan jillimita l-kapaċità tagħhom li joffru servizzi finanzjarji diġitalizzati bis-sħiħ lill-konsumaturi Ewropej.

24.   Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri biex jiġu promossi l-adozzjoni u l-użu tal-identità elettronika u l-firem elettroniċi fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, inkluż fir-rigward tal-istandards tas-sigurtà?

4.3.1.2.3.

Iva, hija meħtieġa azzjoni biex:

jiġi appoġġjat l-istabbiliment ta’ aġenziji taċ-ċertifikazzjoni indipendenti biex jivverifikaw l-identità ta’ klijenti diġitali u jwettqu investigazzjonijiet għar-rikonoxximent personali ta’ klijenti;

jiġu ċċarati l-aspetti kontradittorji tar-regolamenti dwar l-identifikazzjoni diġitali, dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u dwar l-għarfien dwar il-klijenti;

tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn in-negozji finanzjarji u r-regolaturi Ewropej u nazzjonali dwar l-iżvilupp ta’ standards komuni għall-identifikazzjoni diġitali tal-firem, li għandhom jiġu applikati wkoll mill-awtoritajiet pubbliċi u n-negozji finanzjarji;

titqies il-possibbiltà li jiġu adottati identifikazzjoni u firem diġitali Ewropej unifikati, li eventwalment ikunu wkoll il-bażi għall-identifikazzjoni tal-konsumaturi fl-istituzzjonijiet finanzjarji.

4.3.1.3.

Titjib fl-aċċess għal — u l-użu ta’ — data finanzjarja

25.   Fl-opinjoni tiegħek, x’tip ta’ data hija meħtieġa għall-valutazzjonijiet tal-affidabbiltà kreditizja?

4.3.1.3.1.

Minkejja li jeżisti qbil ġenerali dwar l-aspetti tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ klijent li għandhom jintużaw għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja, il-mutwanti jużaw il-valutazzjonijiet esperti tagħhom stess u metodi interni biex jivvalutaw u jimmaniġġjaw kull każ partikolari. Għal din ir-raġuni, għandhom jiġu evitati inizjattivi li jobbligaw lill-banek jew lil istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra biex jikkondividu l-informazzjoni pproċessata li jakkwistaw dwar l-affidabbiltà kreditizja tal-klijenti tagħhom. Fl-istess ħin, id-data mhux ipproċessata tista’ tiġi kondiviża — bil-permess tal-klijent ikkonċernat u f’konformità mal-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. Dan itejjeb il-komparabbiltà tal-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja.

26.   Iż-żieda fl-użu ta’ data personali finanzjarja u mhux finanzjarja mill-kumpaniji (inkluż kumpaniji tradizzjonalment mhux finanzjarji) teħtieġ azzjoni ulterjuri biex jiġi ffaċilitat il-forniment ta’ servizzi jew biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi?

4.3.1.3.2.

L-istituzzjonijiet finanzjarji jagħmlu sforzi biex isiru aktar familjari mal-imġiba tal-konsumaturi sabiex ikunu jistgħu jiddiversifikaw u jippersonalizzaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom b’iżjed suċċess. M’hemmx regoli ċari, madankollu, dwar kif id-data miġbura għandha tintuża, anke meta l-konsumaturi jkunu taw il-kunsens tagħhom. Il-KESE jqis li jkun tajjeb li tiġi pprovduta aktar ċarezza dwar l-applikabbiltà tar-regoli f’dan il-qasam sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi u, fl-istess ħin, il-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-innovazzjonijiet finanzjarji.

27.   Ir-rekwiżiti dwar il-forma, il-kontenut jew l-aċċessibbiltà tal-istorja tal-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni għandhom isiru aktar stretti (pereżempju fir-rigward tal-perjodu kopert jew tal-kontenut), biex jiżguraw li l-kumpaniji jkunu kapaċi jipprovdu servizzi transkonfinali?

4.3.1.3.3.

L-istorja tal-assigurazzjoni fiha data personali sensittiva mingħand il-klijenti. Il-kumpanija tal-assigurazzjoni ta’ domiċilju ma tistax tittrażmetti din l-informazzjoni lil xi parti interessata oħra, imma biss lill-klijent attwali. Hija r-responsabbiltà tal-klijent li jipprovdi din l-istorja lil kumpanija tal-assigurazzjoni ġdida. Dan ma jikkostitwixxix il-ħolqien ta’ ostakolu għas-servizzi transkonfinali, għaliex il-klijent jista’ jieħu l-istorja tiegħu f’pajjiż li jippreferi hu. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni, assistita mill-EIOPA, għandha tesplora modi kif tippromovi l-istandardizzazzjoni tal-iskambju tal-istorja tal-pretensjonijiet bejn kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ sistemi ta’ bonus-malus.

4.3.1.4.

Faċilitazzjoni tal-forniment ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ

28.   Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri biex tappoġġja lill-kumpaniji fil-forniment ta’ servizzi postkuntrattwali fi Stat Membru ieħor, mingħajr sussidjarja jew fergħa ta’ uffiċċju?

4.3.1.4.1.

Is-servizzi postkuntrattwali fi Stat Membru ieħor m’għandhomx ivarjaw minn dawk fil-pajjiż fejn il-prodotti inkwistjoni huma disponibbli. Dan ifisser li l-prodott inkwistjoni u servizzi postkuntrattwali relatati għandhom jitqiesu bħala entità waħda għall-forniment transkonfinali ta’ prodotti finanzjarji. L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għandha tkun iggarantita, inkella jinħolqu żvantaġġi għal xi konsumaturi. Huwa importanti li l-awtoritajiet regolatorji rilevanti jimmonitorjaw l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju.

4.3.1.4.2.

Il-pjattaformi li jappoġġjaw lin-negozji (kumpaniji) biex joffru l-prodotti tagħhom b’mod transkonfinali għandhom jinkludu wkoll taqsimiet għas-servizzi postkuntrattwali. Mod prattiku kif jiġu offruti dawn is-servizzi postkuntrattwali huwa billi l-kumpaniji jiġu mħeġġa jifformaw gruppi u jaħdmu flimkien biex ikollhom skala suffiċjenti ta’ operat.

4.3.1.5.

Nersqu lejn l-armonizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ insolvenza personali, valutazzjoni tal-proprjetà u infurzar tal-kollateral

29.   Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri biex tinkoraġġixxi lill-mutwanti jipprovdu self ipotekarju jew self ieħor b’mod transkonfinali?

4.3.1.5.1.

Il-problema prinċipali f’dan il-qasam tikkonċerna l-irkupru furzat tad-dejn fil-każ ta’ mutwatarji li jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tal-ftehim ta’ kreditu tagħhom. Fid-dawl ta’ dan, il-mutwanti attwalment ma jqisux is-self ipotekarju transkonfinali bħala propożizzjoni attraenti, għalhekk hija meħtieġa azzjoni ulterjuri biex tistimola s-suq intern tal-UE f’dan il-qasam.

4.3.1.5.2.

Is-self ipotekarju u self ieħor huma fost il-prodotti finanzjarji li l-kummerċjalizzazzjoni transkonfinali tagħhom tiffaċċja diversi ostakoli li huma diffiċli biex jingħelbu. Aktarx li, mill-firxa kollha ta’ servizzi finanzjarji, dawn ikunu l-prodotti li għalihom l-ostakoli jdumu l-iżjed biex jingħelbu. Konsegwentement, f’dan l-istadju, ikun aħjar li ssir enfasi fuq l-isforzi inizjali fuq servizzi finanzjarji oħra għall-konsumatur, fejn hemm anqas ostakoli, u biex tinkiseb esperjenza prattika u momentum permezz ta’ ħidma attiva fuqhom.

4.3.2.

Konformità ma’ rekwiżiti regolatorji differenti fl-Istati Membri ospitanti

4.3.2.1.

Nagħmluha iżjed faċli għall-kumpaniji biex jissodisfaw ir-rekwiżiti legali applikabbli fi Stati Membri oħra

30.   Hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE biex l-għajnuna prattika tkun disponibbli mingħand il-gvernijiet tal-Istati Membri jew mingħand awtoritajiet nazzjonali kompetenti (eż. permezz ta’ punt uniku ta’ kuntatt), sabiex jiġi ffaċilitat il-bejgħ transkonfinali ta’ servizzi finanzjarji, b’mod partikolari għal kumpaniji jew prodotti innovattivi?

4.3.2.1.1.

L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea f’ħafna oqsma — bħal, imma mhux esklussivament, fl-offerta ta’ prodotti ta’ investiment — hija inkonsistenti u kontradittorja fid-diversi Stati Membri. B’riżultat ta’ dan, għandha tiġi mfittxija l-għajnuna mingħand l-awtoritajiet nazzjonali sabiex tiġi eliminata r-“regolamentazzjoni żejda”.

Inizjattiva tajba oħra hija n-netwerk SOLVIT, li jagħti lin-negozji appoġġ fil-livell tal-UE meta jiltaqgħu ma’ problemi mal-awtoritajiet pubbliċi li ma jkunux qed japplikaw il-liġi tal-UE b’mod korrett u l-“Punti Uniċi ta’ Kuntatt” jipprovdu għajnuna lill-kumpaniji rigward l-obbligi tagħhom meta jipprovdu servizzi transkonfinali (33).

4.3.2.1.2.

Filwaqt li nisfruttaw l-esperjenzi tas-SOLVIT, ikun jagħmel sens li jsiru sforzi biex tinstab soluzzjoni mmirata speċifikament għal prodotti finanzjarji, għal kooperazzjoni u koordinazzjoni aħjar bejn ir-regolaturi nazzjonali, inkluż għajnuna mingħand ir-regolaturi għall-impriżi innovattivi biex jifhmu l-obbligi tagħhom.

31.   X’passi jkunu l-aktar ta’ għajnuna biex jagħmluha faċli għan-negozji biex jieħdu vantaġġ mil-libertà tal-istabbiliment jew mil-libertà tal-għoti ta’ servizzi għal prodotti innovattivi (bħal kooperazzjoni simplifikata bejn is-superviżuri tad-domiċilju u ospitanti)?

4.3.2.2.

Sfruttar sħiħ tal-libertà ta’ stabbiliment

Għall-assiguraturi, ħafna drabi tkun meħtieġa preżenza lokali sabiex ikollhom għarfien aħjar dwar ir-riskji fuq il-post u l-konsumaturi li għandhom jiġu koperti. Il-libertà ta’ stabbiliment fuq il-post hija għalhekk essenzjali għal assiguraturi bħal kumpaniji tal-assigurazzjoni mutwalistiċi (mutual insurance companies). Il-fatt li ma hemm l-ebda rikonoxximent Ewropew tal-forom ta’ intrapriżi tal-ekonomija soċjali, inklużi l-kumpaniji tal-assigurazzjoni mutwalistiċi, ma jippermettix l-istabbiliment ta’ dawn it-tipi ta’ intrapriżi fi Stati Membri li ma jirrikonoxxuhomx, u b’hekk l-iżvilupp transkonfinali tagħhom, kif ukoll l-iżvilupp tas-swieq u l-kompetizzjoni, jinżammu lura. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri jippromovu r-rikonoxximent tal-mudell mutwalistiku fl-Unjoni Ewropea.

4.3.2.3.

Il-ħolqien ta’ reġimi madwar l-UE awtonomi jew armonizzati aktar mill-qrib

32.   Għal liema prodotti ta’ servizzi finanzjarji għall-konsumatur, l-istandardizzazzjoni jew ir-reġimi ta’ inklużjoni fakultattiva jkunu l-aktar effettivi biex jegħlbu d-differenzi fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri?

4.3.2.3.1.

Mill-perspettiva ta’ distribuzzjoni transkonfinali, jeħtieġ li tingħata attenzjoni lil dawn l-aspetti:

l-identifikazzjoni tal-konsumatur permezz ta’ ċertifikati elettroniċi. Il-KESE jemmen li r-reġistru tal-emittenti rikonoxxuti ta’ ċertifikati elettroniċi jeħtieġ li jinżamm fil-livell tal-UE (pereżempju mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) meta jkunu qed jiġu pprovduti servizzi finanzjarji mill-bogħod;

il-possibbiltà li fornituri ta’ servizzi finanzjarji jkunu jafu l-istorja ta’ kreditu tal-klijenti. Iż-żamma ta’ reġistru tal-kreditu fil-livell tal-UE hija kruċjali għall-offerta transkonfinali ta’ servizzi finanzjarji, b’mod speċjali dawk konnessi mal-estensjoni tal-kreditu.

il-proċeduri għat-teħid ta’ kollateral li jkun imwiegħed biex jingħat self. Ir-riżorsi u l-isforzi għandhom jiġu indirizzati lejn il-ħolqien ta’ qafas leġiżlattiv unifikat tal-UE għall-infurzar tal-kollaterali fil-forniment transkonfinali ta’ servizzi finanzjarji.

fir-rigward tal-prodotti tal-assigurazzjoni, dawk li jipprovdu l-indennità jistgħu jiġu standardizzati aktar faċilment. Il-klijent jirċievi ammont ta’ flus irrispettivament minn fejn huwa bbażat. Il-kumpanija teħtieġ biss il-possibbiltà li tkun tista’ tivvaluta r-riskju. L-assigurazzjoni tal-ħajja jkun eżempju tajjeb. Madankollu, għal dawk il-prodotti tal-assigurazzjoni li joffru servizz (bħat-tiswija tal-ħsara, pereżempju), l-istandardizzazzjoni u l-portabbiltà mhumiex possibbli. Dan huwa minnu speċjalment għal prodotti bħal dawk tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

33.   Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE fir-rigward tal-prinċipju tal-“post tar-riskju” fil-leġiżlazzjoni tal-assigurazzjoni u biex jiġu ċċarati r-regoli ta’ “interess ġenerali” fis-settur tal-assigurazzjoni?

4.3.2.3.2.

Il-post tar-riskji huwa normalment il-post ta’ residenza abitwali tal-persuna assigurata, b’xi eċċezzjonijiet f’każijiet ta’ proprjetà immobbli, fejn dan ikun il-post tal-bini. Dan il-prinċipju huwa normalment standardizzat mad-dinja kollha u għandu implikazzjonijiet legali u fiskali għall-partijiet involuti. Il-KESE jemmen li l-prinċipju tal-post tar-riskju fl-assigurazzjoni huwa adatt għall-iskop maħsub għalih. Madankollu, jifhem li r-regoli tal-“interess ġenerali” jeħtieġ li jiġu rieżaminati, għaliex jagħtu l-opportunità lill-Istati Membri biex jadottaw leġiżlazzjoni li aktarx tfixkel id-distribuzzjoni transkonfinali tal-prodotti tal-assigurazzjoni.

Brussell, is-27 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17.

(2)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 93ĠU C 181, 21.6.2012, p. 99. Is-sitwazzjoni għandha issa tittejjeb ukoll, issa li d-Direttiva dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri (ĠU L 165, 18.6 2013, p. 63ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1).

(3)  COM(2016) 56 final; COM(2016) 57 final; ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1; ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1.

(4)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 80.

(5)  COM(2007) 226 final.

(6)  ĠU C 151, 17.6.2008, p. 1.

(7)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214; ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34; ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35; ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19; ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(8)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 24.

(9)  ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35; ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34.

(10)  COM(2015) 468 final.

(11)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(12)  Il-livell ta’ litteriżmu finanzjarju jvarja b’mod konsiderevoli fl-UE. Bħala medja, 52 % tal-popolazzjoni adulta hija litterata finanzjarjament, bl-ogħla ċifri (tal-anqas 65 %) jiġu rreġistrati fid-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Iżvezja. Il-pajjiżi tal-Ewropa tan-Nofsinhar għandhom ċifri ferm iżjed baxxi: il-Greċja (45 %), Spanja (49 %), l-Italja (37 %) u l-Portugall (26 %). B’mod simili huma baxxi wkoll l-indikaturi għal pajjiżi li ssieħbu fl-UE fl-2004 u wara: il-Bulgarija (35 %), Ċipru (35 %) u r-Rumanija (22 %). Minn perspettiva globali, bħala medja l-Ewropa għadha lura meta mqabbla mal-Istati Uniti tal-Amerika (57 %), il-Kanada (68 %) u l-Awstralja (64 %). Sors tad-data: Klapper, Leora, Annamaria Lusardi, Peter van Oudheusden, Financial Literacy Around the World, 2015.

(13)  L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) tgħid f’opinjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-bejgħ tal-assigurazzjoni u l-pensjonijiet li l-utenti ma jagħmlux riċerka adegwata qabel jixtru l-prodotti online — EIOPA-BoS-14/198 28 ta’ Jannar 2015 Opinjoni tal-EIOPA dwar il-bejgħ permezz tal-Internet ta’ prodotti tal-assigurazzjoni u tal-pensjoni.

(14)  Lusardi, Annamaria u Peter Tufano (2015). Debt Literacy, Financial Experiences, and Overindebtedness, Journal of Pension Economics and Finance, Vol. 14, Ħarġa Speċjali 4, p. 332-368, Ottubru 2015.

(15)  Behrman Jere R., Olivia S. Mitchell, Cindy K. Soo u David Bravo (2012). The Effects of Financial Education and Financial Literacy: How Financial Literacy Affects Household Wealth Accumulation, American Economic Review: Papers & Proceedings, Vol. 102(3), p. 300-304.

(16)  Abreu, Margarida u Victor Mendes (2010). Financial Literacy and Portfolio Diversification, Quantitative Finance, Vol. 10(5), p. 515-528.

(17)  Jappelli, Tullio u Mario Padula, Investment in financial literacy and saving decisions, Dokument ta’ Ħidma CFS, Nru 2011/07.

(18)  http://ec.europa.eu/consumers/consumer_evidence/consumer_scoreboards/10_edition/docs/cms_10_factsheet_en.pdf.

(19)  Il-Federazzjoni Ewropea tal-Investituri u l-Utenti tas-Servizzi Finanzjarji, Pension Savings: The Real Return, Edizzjoni 2015, Rapport ta’ Riċerka minn Better Finance.

(20)  L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), Consultation Paper on the creation of a standardised PanEuropean Personal Pension product (PEPP), 2015.

(21)  Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19).

(22)  Kif deskritt, pereżempju, fl-Appendiċi 1 l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “L-edukazzjoni finanzjarja u l-konsum responsabbli tal-prodotti finanzjarji” (ĠU C 318, 29.10.2011, p. 24).

(23)  Fil-komunikazzjoni tagħha “Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar — Aġenda tal-UE”, COM(2015) 215 final, p. 7, il-Kummissjoni tiddefinixxi “regolamentazzjoni żejda” kif ġej: “L-Istati Membri wkoll ta’ sikwit imorru lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-UE meta jimplimentawha fil-livell nazzjonali (‘gold-plating’).” Il-Kummissjoni żżid fl-istess paragrafu li: “Dan jista’ jsaħħaħ il-benefiċċji iżda jista’ wkoll iżid l-ispejjeż bla bżonn għan-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi li huma b’mod żbaljat assoċjati mal-leġiżlazzjoni tal-UE.” Is-Sezzjoni INT bħalissa qed tabbozza rapport ta’ informazzjoni dwar “Prattiki tat-traspożizzjoni” li jindirizza preċiżament iż-żieda ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mad-Direttivi tal-UE. Il-Parlament Ewropew ukoll qed iwettaq studju dwar ir-“Regolamentazzjoni Żejda fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej”.

(24)  ĠU C 82, 3.3.2016, p. 1.

(25)  Din saret mingħajr ħlas għall-konsumaturi u mijiet u eluf ta’ familji u l-SMEs qed jużaw din l-oppourtunità kull sena biex jinnegozjaw mill-ġdid is-self ipotekarju u b’hekk jiffrankaw eluf ta’ euro. Din il-prattika kienet ta’ ispirazzjoni għall-adozzjoni tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kreditu ipotekarju, , 2014, 4.2.2014 (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34).

(26)  ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11.

(27)  ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.

(28)  ĠU L 271, 9.10.2002, p. 16; ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338; ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7; ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1; (COM(2013) 547 final — C7-0230/2013 — 2013/0264 (COD)). Ara l-Artikoli 59 u 60(3).

(29)  FIN-NET bħalissa fih 56 membru minn 22 Stat Membru, flimkien ma’ organizzazzjonijiet ġodda li dejjem japplikaw għal sħubija — proċess li jista’ jkun mistenni li jaċċellera wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar talbiet għal dokumenti ta’ informazzjoni (Large Business and International Directive on Information Document Requests Enforcement Process, 28 ta’ Frar, 2014).

(30)  Il-kunċett ta’ bejgħ inadatt huwa spjegat fid-dettall f’3.7. Din il-problema se tingħeleb parzjalment mal-applikazzjoni tad-Direttiva MiFID u t-test tal-istabbiltà previst minnha għal ċerti tipi ta’ prodotti. Ara nota 3 f’qiegħ il-paġna.

(31)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 61 and ĠU C 18, 19.1.2011, p. 24.

(32)  ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19.

(33)  http://ec.europa.eu/internal_market/eu-go/index_en.htm


20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Għal qafas aktar modern u Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur”

[COM(2015) 626 final]

(2016/C 264/06)

Relatur:

is-Sur Denis MEYNENT

Nhar it-22 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Għal qafas aktar modern u Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur

[COM(2015) 626 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ April 2016.

Matul il-516 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-27 u l-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’216-il vot favur, 3 voti kontra u 10 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jinnota b’dispjaċir li f’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ma tagħmilx proposti aktar konkreti u sempliċement telenka kwistjonijiet varji mingħajr ma tieħu pożizzjoni dwarhom, li huwa ta’ detriment għas-suċċess tal-istrutturar tad-dibattitu.

1.2

Id-drittijiet tal-awtur għadhom mezz fundamentali ta’ protezzjoni u remunerazzjoni ġusta tal-awturi u ta’ dawk involuti fit-tixrid ta’ xogħlijiet u spettakli permezz tan-netwerks diġitali interkonnessi.

1.3

Il-Kumitat jappella għar-ratifikazzjoni malajr tat-Trattat ta’ Marrakech. Eċċezzjonijiet għat-tagħlim, ir-riċerka xjentifika u l-iskambju tal-għarfien għandhom ikunu wkoll prijorità, u huwa wkoll favur id-diġitalizzazzjoni ta’ xogħlijiet orfni.

1.4

Il-KESE jqis li pożizzjoni unifikata Ewropea dwar l-ikkupjar privat hija possibbli u mixtieqa. Proporzjon sostanzjali mir-riżorsi tar-rimunerazzjoni fuq l-ikkupjar privat loġikament għandu jkun orjentat lejn il-finanzjament ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali, u lejn servizzi pubbliċi bħall-edukazzjoni u r-riċerka.

1.5

Il-KESE jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ kuntest leġislattiv li jiffavorixxi f’daqqa l-ħolqien ta’ xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur u l-użu ta’ tipi ta’ liċenzji ġodda u mudelli tan-negozju ġodda li jgħinu fil-bini tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li l-awturi u l-kreaturi jżommu d-dritt li jibbenefikaw bis-sħiħ mix-xogħlijiet tagħhom.

1.6

Il-KESE jemmen li regolament huwa l-aħjar strument biex jistabbilixxi s-suq uniku diġitali. Il-leġislazzjoni eżistenti għandha tiġi kkonsolidata wkoll.

1.7

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twettaq studji u riċerki fil-fond dwar il-mudelli kummerċjali relatati mal-liċenzji liberi, dwar l-importanza ekonomika attwali u potenzjali, dwar id-dħul u l-impjiegi li dawn jistgħu joħolqu fid-diversi oqsma kif ukoll dwar proposti legali eventwali li jkunu utli fil-promozzjoni u l-użu tagħhom.

1.8

Il-KESE jemmen li d-diversità kulturali tal-Ewropa hija l-qalba tal-identità Ewropea u din għandha titrawwem u tiġi promossa bejn l-Istati Membri.

1.9

Il-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur għandha tagħti prijorità għat-tmiem u għall-penalizazzjoni tal-ksur fuq skala kummerċjali. Għal dan il-għan, huwa vitali li l-korpi tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri jaħdmu flimkien u jiskambjaw informazzjoni.

1.10

Għandu jiġi indirizzat it-trasferiment tal-valur fl-ambjent onlajn li bħalissa jibbenefika lil dawk li jsejħu lilhom infushom intermedjarji u li jevitaw il-kunsens tal-kreaturi u r-remunerazzjoni lilhom.

2.   Proposti tal-Kummissjoni

2.1

Il-pjan ta’ azzjoni għandu l-għan li jimmodernizza r-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi l-elementi ewlenin tal-pjan, maħsub biex iwassal għall-istrateġija tas-suq uniku diġitali tagħha: iwessa’ l-aċċess għall-kontenut madwar l-UE kollha, jistipula eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur, joħloq suq aktar ġust, u jiġġieled il-piraterija kummerċjali billi jinkoraġixxi wkoll l-unifikazzjoni fit-tul tad-drittijiet tal-awtur.

2.2

B’mod partikolari, il-Komunikazzjoni tippreżenta proposta għal Regolament dwar il-portabilità transkonfinali tas-servizzi ta’ kontenut onlajn (1) li jikkostitwixxi dritt ġdid għall-konsumaturi Ewropej u li għandu jsir realtà fl-2017, l-istess sena li fiha se jiġu aboliti t-tariffi tar-roaming fl-Unjoni.

3.   Introduzzjoni

3.1

Il-moviment ta’ kontenut diġitali bejn l-Istati Ewropej huwa baxx ħafna (4 % tat-total), filwaqt li l-maġġoranza tas-servizzi diġitali jinsabu fl-Istati Uniti u l-movimenti l-oħra kollha jsiru fi ħdan il-pajjiż. Għalissa, is-suq uniku diġitali Ewropew ftit li xejn huwa żviluppat. Għad hemm ostakli, u b’mod partikolari hemm ostakli għall-iskambji kulturali fost minoranzi lingwistiċi Ewropej, maqsuma bejn żewġ naħat ta’ fruntieri nazzjonali.

3.2

Fil-programm tiegħu “Bidu ġdid għall-Ewropa” (A New Start for Europe) (2), il-President tal-Kummissjoni għamilha prijorità li jiġi stabbilit suq kbir diġitali konness għall-Istati kollha tal-UE, mingħajr diskriminazzjoni nazzjonali.

3.3

Id-dritt tal-awtur huwa l-pilastru legali tal-kreazzjoni u l-bażi għar-remunerazzjoni tal-awturi, il-kreaturi, l-interpreti u sidien oħra ta’ drittijiet, u mil-lat iżjed globali għall-ekosistema tal-attivitajiet u l-industriji kulturali u kreattivi. Id-drittijiet tal-awtur huma drittijiet territorjali, b’differenzi bejn Stat Membru u ieħor. Huwa jagħti drittijiet esklussivi u estensivi kullimkien lid-detenturi tad-dritt. Dawn jirċievu dħul mhux biss mill-liċenzji, iżda wkoll sempliċement minħabba li x-xogħol jista’ jiġi kkuppjat fuq midja oħra jew mogħti lil parti terza mix-xerrej ta’ liċenzja, bl-ebda rekwiżit li juri li jkunu saru kopji (royalties għall-ikkupjar privat u tassazzjoni tal-midja vojta li jistgħu jintużaw biex isiru kopji illegali). Ċerti attivitajiet ta’ utenti onesti, magħmula in bona fide, huma saħansitra kklassifikati bħala offiżi kriminali f’xi pajjiżi, filwaqt li huma permessi f’oħrajn.

3.4

L-esklużjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur huma minimi fl-Istati kollha. Id-drittijiet tal-awtur inħolqu fiż-żmien tal-istampar fuq il-karta, u għat-teknoloġiji ta’ dak iż-żmien – fil-bidu pubblikazzjoni ta’ kotba u wara pubblikazzjoni ta’ gazzetti u rivisti u reġistrazzjonijiet mużikali – u m’għadhomx kompletament konformi mad-dinja diġitali u n-netwerks interkonnessi tal-broadband, li qed jiżviluppaw kontinwament. Dan il-fatt għandu bżonn ikun iċċarat. F’oqsma oħra, bħal prattiki ġodda ta’ aċċess għall-mużika u xogħlijiet awdjoviżivi, il-kumplessità tal-ġestjoni tad-drittijiet żdiedet, minħabba l-frammentazzjoni tar-repertorju li trid tiġi riżolta mid-Direttiva l-ġdida dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur (3). Ftit li xejn inbidel bejn iż-żmien tad-diska tax-xama’ u dak tad-DVDs, partikolarment fir-rigward tad-distribuzzjoni jew tas-self ta’ xogħlijiet. It-teknoloġiji ġodda biddlu l-mudell kompletament, u l-ħwienet tal-bejgħ tad-diski u d-DVD kważi kollha għalqu, u taw lok għal tipi ġodda ta’ distribuzzjoni jew ta’ self diġitali onlajn. L-istess jista’ jingħad dwar iċ-ċinema, it-televiżjoni u l-arti li tista’ titqiegħed onlajn.

3.5

Billi l-liġi rilevanti naqset milli tevolvi mal-ħtiġijiet, ma nistgħux nutilizzaw sew il-possibilitajiet kollha offruti mit-diġitalizzazzjoni tax-xogħlijiet u l-produzzjonijiet intanġibbli, u ċ-ċirkolazzjoni sussegwenti tagħhom permezz tal-Internet li qed jiżviluppa b’rata mgħaġġla u qiegħed kullimkien.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jinnota b’dispjaċir li f’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ma tagħmilx proposti aktar konkreti u sempliċement telenka kwistjonijiet varji mingħajr ma tieħu pożizzjoni dwarhom, li huwa ta’ detriment għas-suċċess tal-istrutturar tad-dibattitu.

4.2

Fl-opinjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2006 (4), il-KESE talab b’mod partikolari lill-Kummissjoni tressaq proposti għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-liċenzji liberi, inklużi l-LGPL għad-dokumentazzjoni teknika jew il-Creative Commons għal xogħlijiet lettararji u artistiċi. Iżda, minkejja l-importanza ta’ din il-kwistjoni — il-biċċa l-kbira tas-servers u l-farms ta’ servers madwar id-dinja joperaw b’liċenzji miftuħa bħad-Debian, jew l-LPG għall-GNU/Linux — għandu jiġi kkonstatat li għadha ma tressqet l-ebda proposta f’dan is-sens mill-Kummissjoni.

4.3

Dan huwa ta’ ħsara għall-iżvilupp tal-movimenti transkonfinali ta’ data u servizzi fis-suq uniku Ewropew. Il-liċenzja Creative Commons u l-qasam pubbliku fil-fatt jikkostitwixxu territorji ġodda universali miġjuba mid-diġitalizzazzjoni u n-netwerk interkonness filwaqt li l-istat ta’ frammentazzjoni tal-liġi jikkontribwixxi għal ostakli għall-kummerċ transkonfinali daqs kemm jikkontribwixxu l-barrieri fuq il-fruntiera.

4.4

Il-liġi għandha tippermetti l-użu tal-potenzjal eċċellenti tal-Internet għall-awturi u l-kreaturi minn naħa u l-utenti min-naħa l-oħra, minflok tistakolah u toħonqu. Il-leġislazzjoni tal-UE għandha tippermetti li jitneħħew kemm jista’ jkun ostakoli għall-kummerċ transkonfinali fost il-minoritajiet lingwistiċi fl-Unjoni Ewropea u biex ikun hemm aċċess aktar faċli għas-servizzi u għax-xogħlijiet.

4.5

Minflok il-biża’ minn żviluppi bħal dawn, id-detenturi tad-drittijiet għandhom pjuttost jieħdu l-opportunitajiet li dawn joffru. “Liberu” ma jfissirx awtomatikament “mingħajr ħlas”, softwer ta’ sors miftuħ, pereżempju, jippermetti mudell kummerċjali differenti bbażat fuq is-servizz u joħloq l-impjiegi, għall-kuntrarju ta’ ċerti prattiki attwali li jiffavorixxu l-qligħ tas-sid u l-protezzjoni legali tiegħu.

4.6

Il-KESE jħeġġeġ għal darb’oħra lill-Kummissjoni biex twettaq studji u riċerki fil-fond dwar il-mudelli kummerċjali relatati mal-liċenzji liberi, dwar l-importanza ekonomika attwali u potenzjali, dwar id-dħul u l-impjiegi li dawn jistgħu joħolqu fid-diversi oqsma kif ukoll dwar proposti legali eventwali li jkunu utli fil-promozzjoni u l-użu tagħhom.

4.7

Għandhom jiġu kkunsidrati sew l-esperimenti bħad-disponibbiltà fuq l-Internet b’liċenzja ħielsa ta’: pubblikazzjonijiet xjentifiċi; rapporti ta’ riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi; u korsijiet universitarji — bħal korsijiet kollha offruti mill-MIT — sabiex jikkumpensaw għall-ispiża sproporzjonata tal-edukazzjoni ogħla f’ċerti pajjiżi. Dawn għandhom ikunu studjati biex titkejjel sa liema punt dawn jistgħu jiġu implimentati fl-UE (MOOCs — korsijiet onlajn miftuħa massivi). B’dan il-mod, l-edukazzjoni ogħla u l-kultura jsiru beni pubbliċi li jgħinu biex nerqsu lejn is-soċjetà tal-għarfien, li nixtiequ niżviluppaw fl-UE.

4.8

Il-modi ta’ produzzjoni qed jinbidlu, u prodotti u servizzi intanġibbli li jitqassmu permezz ta’ netwerks interkonnessi jirrappreżentaw direzzjoni ġdida fl-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi u negozji innovattivi. Il-modi ta’ konsum bdew jinbidlu, u dawn il-forom ġodda qed isiru popolari malajr. Madankollu, minkejja dan, is-suq uniku Ewropew għadu ma jeżistix fir-rigward tal-fornituri attwali tas-servizzi intanġibbli. Dan jirrifletti l-preferenzi u l-prattiki kulturali differenti fost l-Istati Membri, il-lingwa mitkellma mill-konsumaturi kif ukoll il-frammentazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li ma jiffaċilitawx l-iżvilupp tas-suq Ewropew u lanqas il-ħolqien ta’ liċenzji multiterritorjali jew Ewropej.

4.9

Il-KESE jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ kuntest leġislattiv li jiffavorixxi f’daqqa l-ħolqien ta’ xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur u l-użu ta’ tipi ta’ liċenzji ġodda u mudelli tan-negozju ġodda li jgħinu fil-bini tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li l-awturi u l-kreaturi jżommu d-dritt li jibbenefikaw bis-sħiħ mix-xogħlijiet tagħhom. Dawn il-mudelli ġodda jistgħu jiġu żviluppati b’mod parallel mal-mudelli li jinsabu fit-Trattati tad-WIPO. Din il-kwistjoni għandha tagħmel parti integrali mill-Istrateġija Diġitali li l-Kummissjoni ħabbret f’Mejju 2015 u mill-pjan għall-modernizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur eżaminat hawnhekk.

4.10

L-eċċezzjonijiet jirrappreżentaw ostakolu ieħor. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw it-Trattat ta’ Marrakech, li jistipula eċċezzjoni għall-persuni għomja jew b’vista mnaqqsa, kemm jista’ jkun malajr. L-UE ffirmat dan it-Trattat, iżda l-Istati Membri individwalment biss jistgħu jirratifikawh biex jidħol fis-seħħ. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni li ssegwi l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2015 u jħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw dan it-Trattat importanti, li kien diffiċli ħafna li jiġi nnegozjat minħabba l-attitudnijiet konservattivi ta’ ċerti partijiet interessati. Barra minn hekk, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex jagħmel minn kollox sabiex jitħaffef il-proċess ta’ ratifikazzjoni.

4.11

Jeħtieġ ukoll li tissaħħaħ il-produzzjoni tax-xogħlijiet aċċessibbli għal persuni għomja jew b’vista mnaqqsa: aktar minn 95 % tal-kotba m’humiex attwalment disponibbli għalihom.

4.12

Eċċezzjonijiet oħra relatati mal-era diġitali u n-netwerks għandhom jitqiesu, b’mod partikolari fir-rigward tar-riċerka pubblika, id-diġitalizzazzjoni minn libreriji universitarji u pubbliċi ta’ xogħlijiet letterarji li jaqgħu taħt id-dominju pubbliku jew li huma orfni, is-self ta’ kotba elettroniċi u materjal ta’ awdjo u filmati, filwaqt li jitqies it-tkabbir mgħaġġel tal-qari tal-kotba elettroniċi u d-diversi mezzi ġodda. Fl-istess waqt, huwa importanti li jiġi nnotat li xi industriji teknoloġiċi jippruvaw jakkwistaw mill-ġdid il-protezzjoni għal dak li huwa diġà fid-dominju pubbliku, u jirrestrinġu l-aċċess minħabba strateġiji kummerċjali.

4.13

It-tqassim f’żoni ġeografiċi huwa ostaklu ieħor għat-tixrid tax-xogħlijiet. Dan jaffettwa l-utenti potenzjali kollha, iżda partikolarment il-minoranzi lingwistiċi numerużi fl-UE, minħabba differenzi bejn il-mappa politika u l-mappa lingwistika tal-Ewropa, wirt tal-istorja u l-konsegwenza tal-gwerer fis-sekli dsatax u għoxrin. Iż-żieda tad-diskorsi populisti u nazzjonalisti taw dimensjoni politika urġenti għas-soluzzjoni tal-problema. Il-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali ġiet ratifikata fuq firxa wiesgħa, iżda, pereżempju, l-ostakli attwali jnaqqsu sew l-impatt kulturali ta’ xandiriet televiżivi f’lingwi reġjonali.

4.14

Il-KESE jemmen li d-diversità kulturali tal-Ewropa hija l-qalba tal-identità Ewropea u din għandha titrawwem u tiġi promossa bejn l-Istati Membri.

4.15

Dawn il-kwistjonijiet huma ta’ prijorità għall-KESE, u l-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis il-proposti tagħha, li m’mhumiex f’kontradizzjoni mat-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur u jistgħu jiftħu prospetti ġodda għat-twettiq tas-suq uniku diġitali tal-UE.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Ser ikunu meħtieġa bidliet sostanzjali fil-futur qarib, b’referenza għall-istrateġija ta’ 16-il inizjattiva ppubblikata f’Mejju 2015 u għar-rimarki ġenerali preċedenti li jipproponu inizjattiva ġdida biex jiġu promossi l-beni pubbliċi, l-interoperabbiltà u r-rabtiet transkonfinali u l-liċenzji miftuħa. Fl-opinjonijiet tiegħu dwar drittijiet ta’ kuntratti diġitali (INT/775) u dwar l-ekonomija kollaborattiva u l-awtoregolazzjoni (INT/779), il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tad-dritt tal-awtur għal definizzjoni solida tad-drittijiet tal-partijiet interessati fil-forniment ta’ kuntratti diġitali u l-ekonomija kollaborattiva.

5.2

Il-KESE jinnota b’interess li l-Kummissjoni tagħmilha ċara li r-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur għandhom jiġu adattati, sabiex l-atturi kollha tas-suq u ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-potenzjal tal-ambjent il-ġdid, u huwa meħtieġ qafas leġislattiv aktar Ewropew biex tingħeleb il-frammentazzjoni u t-tensjonijiet f’suq uniku li jiffunzjona. Il-Kumitat jappoġġja dan l-għan iżda jinnota li l-gvernijiet qed jiddefendu t-territorjalità bħala l-uniku mod kif jiġi żgurat il-finanzjament ta’ proġetti kreattivi. Jeżistu mezzi oħra u għandhom jiġu esplorati; m’għandhomx jingħalqu bibien qabel ma l-alternattivi mill-inqas ikunu jistgħu jiġu oġġettivament studjati.

5.3

Il-Kumitat ma jemminx li n-nuqqas ta’ azzjoni u r-rifjut tat-tibdil fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur huma tweġiba xierqa għall-bidliet teknoloġiċi rapidi u l-innovazzjonijiet fil-qasam tas-servizzi u tad-distribuzzjoni li inevitabbilment qed jinħolqu u jikbru mal-iżvilupp tal-Internet, tan-netwerks u tal-broadband. Jikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni li jeħtieġ u “fejn jinħtieġ, ir-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur jiġu addattati għar-realtajiet ġodda teknoloġiċi biex dawn jibqgħu jilħqu l-għanijiet tagħhom”.

5.4

Jidher ċar li hemm varjabbiltà għolja u din se tinħass iktar fil-futur fir-rigward ta’ eċċezzjonijiet li huma relatati mal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-aċċess għall-għarfien. Dan jista’ jvarja mis-sempliċi użu bħala eżempju sa — fil-prattika jekk mhux fil-leġislazzjoni — it-tqegħid għad-dispożizzjoni mingħajr limitu ta’ xogħlijiet, ta’ kotba jew korsijiet għal skopijiet edukattivi.

5.5

Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) dwar id-dritt tal-awtur tinkludi lista ta’ eċċezzjonijiet. Id-dħul fis-seħħ ta’ elementi ta’ din il-lista u l-evoluzzjoni tagħhom għandu jiġi diskuss skont il-prattika tad-demokrazija parteċipattiva sabiex jiġu avvanzati l-opinjonijiet individwali u kollettivi, u sabiex tinkiseb leġislazzjoni Ewropea koerenti u unifikata dwar l-eċċezzjonijiet, li għandhom ikunu speċifikati u definiti sabiex ikunu aktar faċilment applikabbli. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-eċċezzjonijiet għat-tagħlim, ir-riċerka xjentifika u l-iskambju tal-għarfien għandhom ikunu prijorità; fl-istess ħin, b’ħarsa ‘l quddiem, beni pubbliċi oħra għandhom ikunu studjati.

5.6

Il-KESE jqis li pożizzjoni unifikata Ewropea dwar l-ikkupjar privat hija possibbli u mixtieqa. Huwa se jappoġġa l-azzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, mill-aktar fis possibbli, għaliex id-differenzi nazzjonali jikkostitwixxu ostaklu sinifikanti għas-suq uniku għall-prodotti elettroniċi, waqt li jibqgħu jitfaċċaw mezzi ġodda. Il-konsistenza hija indispensabbli għall-moviment ħieles tal-prodotti li jinkorporaw fihom dawn il-midja. Id-distribuzzjoni tad-dħul mir-royalties għandha tqis li ħafna minn dawn il-mezzi mhumiex maħsuba għall-ikkupjar ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur. Loġikament, għalhekk, proporzjon kbir ta’ dan id-dħul għandu jkun dirett lejn il-finanzjament ta’ kreazzjonijiet artistiċi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali — kif diġà huwa l-każ f’xi pajjiżi — u lejn beni pubbliċi bħall-edukazzjoni u r-riċerka.

5.7

Il-Kumitat huwa konvint li l-prinċipju ta’ newtralità għandu jibqa’ konsistenti għall-Internet sabiex jiggarantixxu ugwaljanza stretta għall-konsumatur irrispettivament mill-poter ekonomiku tiegħu. In-newtralità tal-Internet hija prinċipju fundatur tal-Internet li tiżgura li l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet ma jiddiskriminawx il-komunikazzjonijiet tal-utenti tagħhom, iżda jibqgħu sempliċi trażmettituri ta’ informazzjoni. Dan il-prinċipju jippermetti lill-utenti kollha, irrispettivament mir-riżorsi ekonomiċi tagħhom, li jiksbu aċċess għall-istess netwerk fit-totalità tagħha. Din id-definizzjoni u l-affermazzjoni tal-protezzjoni ta’ din in-newtralità għandhom ikunu stabbiliti b’mod ċar fil-leġislazzjoni Ewropea.

5.8

Fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur, għandu jitwaqqaf u jiġi ppenalizzat il-ksur fuq skala kummerċjali li jċaħħad lill-awturi minn parti kbira mid-dħul tagħhom. Il-Kumitat diġà ħareġ bosta opinjonijiet dwar il-problemi fil-ġlieda kontra l-prodotti foloz u l-forom kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, u għalhekk jirreferi għal dawn l-opinjonijiet, li l-Kumitat jikkunsidra li għadhom totalment validi (6).

5.9

Id-drittijiet tal-awtur għadhom mezz fundamentali għall-protezzjoni tal-awturi u ta’ dawk involuti fid-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet u spettakli permezz tan-netwerks diġitali interkonnessi. Id-drittijiet tal-awtur għandhom bżonn jevolvu biex jadattaw għal bidliet teknoloġiċi rapidi ħafna u l-innovazzjonijiet fid-distribuzzjoni u s-servizzi. Din il-modernizzazzjoni għandha ssir f’qafas li jippermetti li jiġu żgurati d-drittijiet tal-awturi u l-artisti, ir-remunerazzjoni ġusta tal-isforz kreattiv tagħhom, il-kumpens xieraq għas-suċċess kummerċjali tax-xogħlijiet tagħhom u ż-żamma ta’ livell għoli ta’ protezzjoni u finanzjament tax-xogħlijiet. B’mod partikolari, għandu jiġi rivedut l-istatus legali ta’ servizzi ta’ pjattaformi onlajn dwar id-drittijiet tal-awtur. Għalkemm illum huwa l-portal ewlieni li permezz tiegħu l-utenti jaċċessaw il-kontenut onlajn, pjattaformi ta’ servizzi jsostnu li huma sempliċiment intermedjarji tekniċi u għalhekk jirrifjutaw li jirremuneraw l-kreaturi tal-kontenut. Dan jimmina l-effiċjenza tas-suq, jgħawweġ il-kompetizzjoni u jnaqqas il-valur globali tal-kontenut kulturali onlajn.

5.10

Ir-rifjut għall-adattamenti għan-natura globali tal-Internet, il-broadband u l-istennijiet il-ġodda tal-konsumaturi jpoġġina fir-riskju tal-iżvalutar ta’ dritt daqstant utli għall-progress tax-xogħlijiet kreattivi u t-tixrid tagħhom. Madankollu, l-eċċezzjonijiet ġustifikati minħabba d-drittijiet ta’ partijiet oħra interessati, bil-bżonnijiet soċjali tagħhom li qed jevolvu — bħal persuni b’diżabilità, studenti jew libreriji pubbliċi – ikollhom jiġu aċċettati. L-Istati Membri, li għandhom l-akbar grad ta’ influwenza legali fuq il-bidliet li se jsiru, se jkollhom jimplimentaw żviluppi oħrajn sabiex “jewropejizzaw” id-drittijiet tal-awtur u dawk relatati.

5.11

Il-KESE jqis li Regolament huwa l-aħjar strument biex jistabilixxi s-suq uniku diġitali, billi d-diversità tal-liġijiet nazzjonali turi, bla dubju, l-istagnar kważi totali li hemm bżonn jingħeleb permezz tad-djalogu fost il-partijiet interessati kollha mingħajr diskriminazzjoni, inklużi r-rappreżentanti ta’ liċenzji ta’ softwer u kontenut ħieles u s-servizzi ġodda u l-mudelli kummerċjali li jiġu minn dawn. L-analiżi tal-ostakli għal-liċenzji multiterritorjali u l-modi biex dawn jingħelbu għandhom ukoll jiġu approfonditi.

5.12

Interessi diversi u kunċetti mfassla minn qabel dwar is-suġġett tad-drittijiet tal-awtur huma tant b’saħħithom li l-progress jista’ biss ikun gradwali, abbażi ta’ valutazzjoni bir-reqqa u reazzjonijiet proporzjonati. Madanakollu, irid isir kull sforz biex tinħoloq verament is-soċjetà tal-għarfien u tal-informazzjoni, l-unika mod biex l-Ewropa toħroġ minn kriżi li qed thedded il-pedamenti tal-ideal Ewropew. L-interess ġenerali għandu jkun prevalenti fuq ċerti interessi speċjali fi ħdan ekonomija tas-suq soċjali dinamika.

Brussell, is-27 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2015) 627 final (ara paġna 86 tal-Ġurnal Uffiċjali attwali).

(2)  http://ec.europa.eu/priorities/sites/beta-political/files/pg_fr_0.pdf.

(3)  ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72; ĠU C 44, 15.2.2013, p. 104.

(4)  ĠU C 324, 30.12.2006, p. 8.

(5)  ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.

(6)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 72; ĠU C 44, 15.2.2013, p. 104; ĠU C 68, 6.3.2012, p. 28; ĠU C 376, 22.12.2011, p. 66; ĠU C 376, 22.12.2011, p. 62; ĠU C 18, 19.1.2011, p. 105; ĠU C 228, 22.9.2009, p. 52; ĠU C 306, 16.12.2009, p. 7; ĠU C 182, 4.8.2009, p. 36; ĠU C 318 du 29.10.2011, p. 32; ĠU C 324, 30.12.2006, p. 8; ĠU C 324, 30.12.2006, p. 7; ĠU C 256, 27.10.2007, p. 3; ĠU C 32, 5.2.2004, p. 15.


20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali”

[COM(2015) 634 final – 2015/0287 (COD)]

u dwar

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jirrigwardaw il-kuntratti għall-bejgħ onlajn u bejgħ mill-bogħod ieħor ta’ oġġetti”

[COM(2015) 635 final – 2015/0288 (COD)]

(2016/C 264/07)

Relatur:

Jorge PEGADO LIZ

Nhar it-18 ta’ Jannar 2016 u nhar il-21 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali”

[COM(2015) 634 final – 2015/0287 (COD)]

u dwar

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jirrigwardaw il-kuntratti għall-bejgħ onlajn u bejgħ mill-bogħod ieħor ta’ oġġetti”

[COM(2015) 635 final – 2015/0288 (COD)].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’146 vot favur, 61 vot kontra u 44 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-ħtieġa u l-opportunità li jiġu regolati xi wħud mill-kwistjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2015) 633 final), b’mod partikolari dawk stabbiliti fil-Proposta għal Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali.

1.2

Madankollu, il-KESE jqis fatturi oħrajn li huwa jikkunsidrahom bħala li huma ħafna aktar importanti mir-regoli dwar id-drittijiet kuntrattwali fil-kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà mobbli u tanġibbli fuq l-Internet u deċiżivi u kruċjali ħafna għall-għanijiet proposti mill-Kummissjoni, jiġifieri tal-ħolqien ta’ suq uniku diġitali u jikkostitwixxu ostakli kbar għall-iżvilupp tal-kummerċ transkonfinali.

1.3

Madankollu, rigward l-aspetti li ġew ittrattati, il-KESE ma jaqbilx mal-bażi legali invokata mill-Kummissjoni u qiegħed jagħmel kontroproposta għall-Artikolu 169 tat-TFUE.

1.4

Minn dan isegwi li, fil-prinċipju, il-miżuri adottati għandhom ikunu bbażati fuq direttivi ta’ armonizzazzjoni minima, kif huwa ċar mill-paragrafu 2(a) u mill-paragrafu 4 tal-istess artikolu, kif ġie ġeneralment aċċettat mil-leġislatur Ewropew.

1.5

Il-KESE jidhirlu li r-regolazzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet f’żewġ direttivi minflok fi strument wieħed hija aċċettabbli biss għal raġunijiet ta’ urġenza u sakemm dan ikun opportun għar-regolazzjoni tal-kummerċ onlajn ta’ kontenut diġitali.

1.6

Huwa wkoll tal-fehma li mhijiex iġġustifikata biżżejjed l-għażla ta’ armonizzazzjoni sħiħa minflok għażla oħra, pereżempju dik tal-mudelli ta’ kuntratti ċċertifikati minn trademark tal-Unjoni Ewropea jew l-armonizzazzjoni minima skont l-Artikolu 169 tat-TFUE.

1.7

Fir-rigward tal-aspetti li issa huma rregolati separatament fil-Proposta dwar kuntratti ta’ bejgħ ta’ beni tanġibbli mobbli onlajn, huwa jidhirlu li jkun aktar korrett li dawn jiġu rregolati fl-istess ħin tar-reviżjoni permezz tad-Direttiva 1999/44/KE, fejn dawn huma rrappreżentati f’wieħed mill-kapitoli tagħha, fil-qafas tal-eżerċizzju REFIT dwar il-Liġi tal-Konsumaturi.

1.8

Fil-fatt, bil-proposta tal-bejgħ onlajn ta’ assi tanġibbli, il-Kummissjoni stabbilixxiet żewġ sistemi, li joħolqu trattament differenti għall-bejgħ ta’ prodotti onlajn u offlajn, li huwa inaċċettabbli.

1.9

Hekk kif tiġi kkonfermata l-intenzjoni tal-Kummissjoni fl-għamla attwali tagħha, il-KESE jagħmel sensiela ta’ titjib fl-osservazzjonijiet tal-proposti bil-għan li ma jitnaqqsux id-drittijiet tal-konsumaturi, u b’hekk jiggarantixxi b’mod effettiv, livell għoli ta’ protezzjoni kif jitlob it-TFUE.

1.10

B’enfasi speċjali fuq ir-regolazzjoni tal-bejgħ tal-kontenut diġitali, li huwa jqis li għandha tingħata prijorità, huwa jaċċetta għal raġunijiet prattiċi l-formula proposta mill-Kummissjoni għall-armonizzazzjoni massima mmirata.

1.11

Fejn madankollu jkun hemm previżjonijiet ta’ falliment u ta’ difetti sostanzjali, li huma inkompatibbli mal-armonizzazzjoni massima, u li joħolqu diffikultajiet li ma jistgħux jingħelbu għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni fl-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom jippruvaw jikkoreġuhom permezz ta’ serje ta’ proposti speċjalizzati.

2.   Introduzzjoni: komunikazzjoni, żewġ Proposti għal Direttiva

2.1

B’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tieħu l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa (1) u twettaq waħda mill-miżuri l-aktar importanti tal-programm ta’ ħidma tagħha għall-2015 (2). Il-proposta għandha l-għan li tiżgura “aċċess aħjar għall-konsumaturi u n-negozji għal prodotti u servizzi diġitali fl-Ewropa kollha” u tikkonsisti miż-żewġ strumenti legali li ġejjin:

a)

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali

b)

Proposta għal Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew dwar ċerti aspetti li jirrigwardaw il-kuntratti għall-bejgħ onlajn u bejgħ mill-bogħod ieħor ta’ oġġetti

2.2

Konxja mill-fatt li, mil-lat sistematiku, l-aspetti prinċipali ta’ dawn iż-żewġ proposti huma marbutin mill-qrib mad-Direttiva dwar il-Bejgħ ta’ Oġġetti għall-Konsumaturi (3), il-Kummissjoni tisħaq li dawn għandhom ikunu “konsistenti kemm jista’ jkun”. Tispjega, madankollu, li ddeċidiet li “tadotta żewġ strumenti legali”, minħabba li “l-ispeċifiċità tal-kontenut diġitali teħtieġ diversi regoli biex jiġu rregolati b’mod differenti minn dawk għal oġġetti” u li “l-iżvilupp teknoloġiku u kummerċjali mgħaġġel ta’ kontenut diġitali se jeħtieġ reviżjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva”, u sabiex tiġġustifika l-“inkorporazzjoni tagħhom fi strument legali wieħed, jiġifieri d-Direttiva dwar il-provvista ta’ kontenut diġitali”.

2.3

B’dawn iż-żewġ proposti, il-Kummissjoni għandha l-għan li tilħaq ħames għanijiet:

a)

Tnaqqis fl-ispejjeż li jinħolqu mid-differenzi fil-liġi kuntrattwali

b)

Sigurtà legali għall-kumpaniji

c)

Inċentiv għax-xiri transkonfinali onlajn fi ħdan l-UE

d)

Tnaqqis mit-telf imġarrab minħabba difett fil-kontenut diġitali akkwistat

e)

Bilanċ ġenerali bejn l-interessi tal-konsumaturi u tal-intrapriżi u titjib fil-ħajja ta’ kuljum

2.4

Il-Kummissjoni tikkunsidra li fiż-żewġ każijiet, l-armonizzazzjoni “mmirata” hija l-aktar metodu adegwat. Armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli applikabbli tal-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ xiri u bejgħ ta’ oġġetti onlajn, kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi mandatorji tal-partijiet fil-kuntratt għall-provvista tal-kontenut diġitali u tax-xiri u l-bejgħ ta’ oġġetti oħra onlajn. Dan jiġbor fih kważi d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva, ħlief ir-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-formazzjoni, il-validità u l-effetti tal-kuntratti, inklużi l-konsegwenzi tar-revoka tal-kuntratt (Artikolu 1(4) tal-Proposta għal Direttiva dwar il-bejgħ mill-bogħod), u ċerti aspetti tal-implimentazzjoni tagħha.

2.5

Il-Kummissjoni espressament illimitat l-ambitu tal-applikazzjoni tat-termini tal-liġi tal-kuntratti applikabbli fir-relazzjonijiet bejn il-kumpaniji u l-konsumaturi, kif imsemmi fil-Valutazzjoni tal-Impatt (p. 23), ma hemmx provi li jissuġġerixxu li d-differenzi fil-liġi tal-kuntratti jxekklu l-intrapriżi tal-UE milli jixtru onlajn minn Stati Membri oħrajn. Tagħraf li l-intrapriżi żgħar u medji, filwaqt li huma dgħajfa meta jiġu biex jinnegozjaw, iħabbtu wiċċhom ukoll ma’ diffikultajiet li għandhom x’jaqsmu mal-liġi tal-kuntratti, speċjalment fl-użu ta’ kontenut diġitali. Madankollu, filwaqt li tqis b’mod partikolari l-opinjonijiet imfissra mill-partijiet interessati u mill-Istati Membri, il-Kummissjoni ddeċidiet li teżamina din il-kwistjoni fil-kuntest ta’ inizjattivi oħrajn imħabbra fl-Istrateġija għas-Suq Uniku Diġitali.

2.6

Dwar l-istrument legali magħżul, il-Kummissjoni tiġġustifika l-għażla ta’ direttiva minflok ta’ regolament, abbażi tal-konvinzjoni tagħha li d-direttivi huma strumenti aktar xierqa, għaliex jagħtu l-libertà lill-Istati Membri fil-forma ta’ traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali. Fil-fehma tagħha, din l-għażla, flimkien ma’ armonizzazzjoni indirizzata direttament għad-drittijiet imperattivi tal-konsumatur, sejra toħloq bilanċ xieraq bejn livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi fl-UE kif ukoll żieda sinifikanti fl-opportunitajiet għall-intrapriżi.

2.7

Allegatament, il-Kummissjoni għandha ċerti suppożizzjonijiet għall-ġustifikazzjoni ekonomika ta’ dawn id-direttivi, fosthom:

a)

is-suq Ewropew għall-kummerċ elettroniku għandu potenzjal qawwi ta’ tkabbir li għad irid jiġi esplorat;

b)

il-ħolqien ta’ Suq Uniku Diġitali għandu jiġġenera tkabbir addizzjonali fl-Ewropa;

c)

il-kumpaniji tal-UE jistgħu jżidu l-kompetittività tagħhom billi jbiegħu aktar faċilment f’suq ikbar mis-swieq nazzjonali;

d)

jekk id-drittijiet tal-konsumatur huma ugwali u l-livell ta’ protezzjoni huwa għoli, il-fiduċja tiegħek meta tiġi biex tixtri minn barra pajjiżek sejra tiżdiedlek;

e)

jekk l-ostakli li huma assoċjati mal-liġi tal-kuntratti jitneħħew, in-numru ta’ kumpaniji li jagħmlu bejgħ transkonfinali onlajn sejjer jitla’ għal madwar 122 000. Il-kummerċ transkonfinali tal-UE jista’ jiżdied għal madwar EUR 1 000 miljun. Iż-żieda fil-kompetizzjoni bl-imnut fuq l-Internet sejra twassal għal tnaqqis fil-prezzijiet bl-imnut fl-Istati Membri kollha, b’medja ta’ -0,25 % fil-livell tal-UE, u dan iżid direttament il-konsum domestiku fl-UE b’madwar EUR 18-il biljun;

f)

Min-naħa l-oħra, l-għażla akbar ta’ prodotti u servizzi sejra twassal għal żieda fit-titjib tal-ħajja tal-konsumaturi. In-numru ta’ konsumaturi ġodda li jiddeċiedu li jagħmlu xiri transkonfinali onlajn se jkun bejn is - 7,8 u 13-il miljun. Huwa stmat li, globalment, il-PDG reali tal-UE sejjer jibbenefika b’madwar EUR 4 biljun fis-sena.

2.8

Madankollu, sabiex jinkisbu dawn ir-riżultati msemmijin hawn fuq, iż-żewġ direttivi li qegħdin jiġu proposti mhumiex biżżejjed; dawn huma parti minn pakkett akbar ta’ miżuri li l-Kummissjoni, fost l-oħrajn, qiegħda tenfasizza:

a)

Proposta għal Regolament dwar il-portabilità transkonfinali ta’ servizzi ta’ kontenut onlajn

b)

Il-ħolqien ta’ servizzi ta’ kwalità għolja fuq kunsinna ta’ pakketti transkonfinali

c)

It-trażżin tal-imblokk ġeografiku

d)

Tnedija ta’ Pjattaforma dwar is-Soluzzjoni Online għat-Tilwim (4)

2.9

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar kemm huwa importanti li “naġixxu issa” qabel ma jkun tard wisq, minħabba li kwalunkwe dewmien fil-qasam diġitali jġib ir-riskju li jistgħu jiddaħħlu fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżultaw fit-tifrik tas-Suq Uniku, jew ipoġġu ostakli għall-parteċipazzjoni tal-konsumaturi u l-fornituri fi tranżazzjonijiet transkonfinali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Allegatament, se jkun studju anness mal-valutazzjoni tal-impatt li għandu jifforma l-pedamenti għall-iżvilupp ekonomiku u psikoloġiku, fejn juri liema hi r-relazzjoni bejn il-miżuri leġislattivi proposti, iż-żieda fil-volum tal-kummerċ elettroniku u l-impatt meħtieġ fuq it-tkabbir fl-Ewropa. Madankollu, fl-analiżi dettaljata tagħha ma jirriżultax b’evidenza u b’ċertezza li d-data ta’ tluq u dik tat-tmiem, hija assolutament affidabbli, u li mhux se tiġi influwenzata minn fatturi oħrajn u għażliet oħrajn ma jipproduċux riżultati aħjar.

3.1.1

Anke jekk wieħed jassumi li d-data ta’ tluq hija preċiża, li 62 % tal-kummerċjanti Ewropej (p. 10), perċentwal li jikkorrispondi għal aktar minn 122 000 intrapriża, u li 13,5 % tal-konsumaturi (p. 13), perċentwal li jirrappreżenta bejn 8 u 13-il miljun konsumatur, jiġifieri numru totali li jlaħħaq is-70 miljun, jibdew jinnegozjaw onlajn f’operazzjonijiet transkonfinali jekk jitneħħew l-imsemmija piżijiet u spejjeż li jiġu direttament mis-sistema legali attwali, żgur li dan ma jistax jiddetermina, b’ċertezza, iż-żieda fil-kummerċ li sejjer jiġi affettwat u li jiġġustifika l-konsegwenza taż-żieda stmata fil-PDG Ewropew ta’ 0,03 %, ekwivalenti għal madwar EUR 4 biljun bħala l-konsegwenza meħtieġa u esklużiva; iżda għall-kuntrarju, ninsabu ċerti li kull kumpanija se jkollha terfa’ l-piż medju ta’ EUR 7 000 biex taddatta ruħha għall-arranġamenti kuntrattwali tar-reġim il-ġdid.

3.1.2

Min-naħa l-oħra, l-istess studju wkoll ma jirriżultax li qiegħed jidentifika kif suppost ċerti fatturi addizzjonali, bħall-kwistjoni tal-lingwa u tas-sistemi fiskali, il-kwalità, l-ispiża u d-disponibbiltà ta’ servizzi tal-Internet b’veloċità kbira, ir-riskju ta’ frodi, l-ispejjeż tal-ġustizzja, is-sikurezza fil-mezzi ta’ kif wieħed iħallas, iċ-ċertifikazzjoni tal-identità u tal-idoneità tal-bejjiegħa, in-nuqqas ta’ fiduċja fil-proċessi ta’ solvien ta’ tilwim ġudizzjarju jew ekstraġudizzjarju, u għalhekk ma jibqax ikollu influwenza deċiżiva fuq l-għażliet ta’ tranŻazzjoni onlajn transkonfinali, forsi aktar mis-sistema legali attwali (imfissra f’p. 7 u l-paġni ta’ wara, u fil-Valutazzjoni tal-Impatt f’p. 18 u l-paġni ta’ wara).

3.1.2.1

Huma partikolarment rilevanti f’dan il-kuntest, peress li huma msemmijin speċifikament fl-istudji kollha li l-Kummissjoni ordnat, id-diffikultajiet fit-traspożizzjoni u l-applikazzjoni u l-ineffikaċja tas-sistemi tal-ADR stabbiliti mid-Direttiva 2013/11/UE (5) għal raġunijiet li nsibuhom ta’ spiss marbutin ma’ nuqqas ta’ fondi f’ċerti Stati Membri kif ukoll, li s-sistema tal-ODR implimentata bir-Regolament (UE) Nru 524/2013 (6), li daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Frar 2016, tidher li ma tiswa għal xejn, li madankollu huwa kruċjali għall-funzjonament ta’ suq uniku diġitali.

3.1.3

Barra minn hekk ma joħroġx b’mod ċar liema huwa l-piż relattiv tal-elastiċità tal-provvista u d-domanda fil-kalkolu tas-saturazzjoni tas-suq mil-lat ta’ kompetizzjoni perfetta li, bi kwalunkwe mod, tkun sempliċement ipoteżi teoretika, u dan huwa essenzjali għall-kredibilità tal-mudell; biex ma nsemmux il-fatturi esterni tal-politika makroekonomika li b’mod deċiżiv jiddeterminaw id-deċiżjonijiet tax-xiri min-naħa tal-konsumaturi, bħall-konsegwenzi tal-politika ta’ awsterità, meta tiġi mqabbla ma’ politika ta’ tkabbir ibbażata fuq il-konsum u fuq l-investiment tat-tip Keyneżjan.

3.1.4

Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tenfasizza l-mudell propost u ma tqisx kif mistħoqq il-konsegwenzi ekonomiċi tal-erba’ mudelli l-oħra li kienu fl-għażla (Valutazzjoni tal-Impatt, p. 23 u l-paġni ta’ wara), li huma wkoll jikkontribwixxu għall-eliminazzjoni ta’ dawn l-ostakli, biex b’hekk tkun tista’ ssir analiżi komparattiva, b’mod partikolari l-għażla 5 – kuntratt-mudell Ewropew fakultattiv li jaqbel ma’ marka ta’ fiduċja tal-UE (p. 25), minkejja li hija għażla sempliċi li tinvolvi inqas spejjeż u inqas burokrazija p. 38 u l-paġni ta’ wara), jiġifieri, li tkun l-aktar li tikkorrispondi mill-qrib mal-prinċipji tal-pakkett “Regolamentazzjoni aħjar” (7) u tar-REFIT (8) u li rċeviet appoġġ fil-konsultazzjonijiet preparatorji.

3.2

Barra minn hekk, l-għażla ta’ direttivi ta’ armonizzazzjoni massima minflok regolament mhijiex iġġustifikata b’mod suffiċjenti. Il-KESE ddefinixxa, b’mod ġenerali, li huwa aktar favorevoli li jiġu adottati regolamenti li jkunu ddettaljati kemm ikun hemm bżonn, fil-każ ta’ kwistjonijiet ta’ armonizzazzjoni li essenzjalment jaqgħu taħt il-funzjonament tas-suq intern, u esprima wkoll il-fehma li, fi kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu b’mod speċjali mad-drittijiet tal-konsumaturi, il-preferenza tagħhom hija għal direttivi ta’ armonizzazzjoni minima, kif jirriżulta minn dispożizzjoni espressa tat-TFUE [l-Artikolu 169(4)].

3.2.1

Għall-kuntrarju, il-KESE tkellem kemm-il darba kontra x-xejra dominanti tul dawn l-aħħar snin tal-Kummissjoni, li tadotta direttivi ta’ armonizzazzjoni massima li joffru livell baxx ta’ protezzjoni u li bilkemm jirrispondu għall-interessi tal-operaturi (9).

3.2.2

F’dan il-każ, hemm serje sħiħa ta’ kwistjonijiet li d-direttivi ma jindirizzawx, u li huwa essenzjali li jiġu armonizzati bħal, pereżempju, il-permess għall-minorenni li jagħmlu kuntratti fl-ambjent diġitali (li fl-aħħar verżjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tal-Informazzjoni tidher bejn 13 u 16-il sena), id-definizzjoni ta’ kategoriji ta’ klawżoli abbużivi speċifikament għall-kuntratti fuq l-Internet, li mhumiex previsti fid-Direttiva 93/13/KEE (10), il-prattika reċenti li tintuża buttuna “ħallas issa” (pay now) fil-paġni ta’ ċerti netwerks soċjali mingħajr l-ebda referenza għas-sit responsabbli, u l-inklużjoni rakkomandata ta’ klawżola standard dwar il-koregolazzjoni.

3.3

L-għażla ta’ żewġ direttivi minflok waħda lanqas ma għandha titqies bħala ġġustifikata, minħabba l-fatt li tirdoppja bla bżonn il-proċeduri legali, u dan jimplika sforz ikbar fit-traspożizzjoni sabiex ikun hemm koerenza mal-proċeduri interni ta’ kull Stat Membru u titlob sforz akbar fl-ermenawtika, ikun totalment skużat jekk it-test tad-Direttiva dwar il-bejgħ onlajn ta’ assi tanġibbli jittieħed bħala l-bażi u l-ispeċjalitajiet ta’ bejgħ ta’ assi mhux tanġibbli jiġu inklużi bħala eċċezzjonijiet għar-reġim bażiku, waqt li jkun mifhum li d-distinzjoni bejn proprjetà tanġibbli u l-kontenut diġitali mhijiex evidenti, partikolarment meta dawn ikunu relatati ma’ xulxin.

3.4

Skont il-Kummissjoni, l-għażla ta’ strument saret fuq il-bażi ta’ 189 tweġiba, miġbura bħala parti minn konsultazzjoni għall-kategoriji kollha tal-partijiet interessati minn madwar l-UE, b’konsultazzjoni ma’ grupp ta’ 22 organizzazzjoni li jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ interessi, li ltaqgħu seba’ darbiet, f’seminars mal-Istati Membri u fil-laqgħat mal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali fil-laqgħa tal-kumitat għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-politika tal-konsumatur fil-laqgħa tan-netwerk dwar il-politika tal-konsumaturi (Mejju 2015), li aktar tard ikkontestat il-validità ta’ dan il-mudell wara li kkunsidrat id-daqs żgħir tiegħu (11).

3.4.1

Madankollu, skont ir-riżultati magħrufa u ppubblikati (12), m’hemm l-ebda maġġoranza ċara favur l-għażla li ssir: l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jopponu b’mod ċar kwalunkwe forma ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-bejjiegħ, waqt li l-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet tal-professjonisti u xi akkademiċi huma favur din l-għażla. Min-naħa l-oħra, l-maġġoranza tal-Istati Membri jikkontestaw il-ħtieġa għal leġislazzjoni ġdida dwar ix-xiri mill-bogħod (li jinkludi wkoll bejgħ onlajn) u, b’mod partikolari l-idoneità taż-żewġ direttivi, waqt li titqies id-diffikultà li jinstiltu linji gwida preċiżi u ddefiniti b’mod ċar. Mal-ewwel daqqa t’għajn, l-analiżi oġġettiva tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet iġġegħelna nemmnu li l-għażla 5 tattira kunsens ġenerali mill-operaturi u l-konsumaturi – jiddependi evidentement mill-kontenut tar-regoli kuntrattwali u mill-grad ta’ użu u l-aċċettazzjoni tal-marka ta’ fiduċja minn kumpaniji tal-UE – jiġifieri għaliex hija l-waħda li twassal għal inqas spejjeż lill-operaturi.

3.5

Fl-aħħar nett, huwa importanti li wieħed jiftakar li fir-rigward tas-suġġett tad-drittijiet tal-konsumatur fl-ambjent diġitali, il-KESE kellu l-opportunità li jikkummenta b’mod estensiv f’għadd ta’ opinjonijiet tiegħu, wara li ddefinixxa direzzjoni fundamentali, li permezz tagħha l-istess drittijiet li huma rikonoxxuti fid-dinja “fiżika” offlajn (fil-kuntratti wiċċ imb’wiċċ) għandhom ikunu koerenti mad-dinja onlajn, mingħajr telf speċifiku proprju jew ta’ forom xierqa għal tranżazzjonijiet ta’ kontenut diġitali (mhux tanġibbli) iżda fid-direzzjoni li ssaħħaħhom dejjem u mhux li ddgħajjifhom jew iċċekkinhom. Bil-proposta tal-bejgħ onlajn ta’ assi tanġibbli, il-Kummissjoni stabbilixxiet żewġ sistemi li joħolqu trattament differenti għall-bejgħ ta’ prodotti onlajn u offlajn, li huwa inaċċettabbli.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi

4.1

L-osservazzjonijiet ta’ hawn fuq ma jfissrux li l-KESE ma jappoġġjax bis-sħiħ li huwa meħtieġ u opportun li jiġu rregolati xi wħud mill-materji tal-proposti għad-direttivi li qegħdin jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari fir-rigward tal-bejgħ onlajn ta’ kontenut diġitali. F’dak li jirrigwarda l-bejgħ ta’ beni tanġibbli onlajn, il-KESE jirrakkomanda li dawn jiġu adottati fil-mument opportun fl-ambitu tar-REFIT. F’rimarki li xi kultant isiru għal kull wieħed mit-testi tal-proposti, għal raġunijiet ovvji ta’ nuqqas ta’ spazju, jekk jogħġbok irreferi biss għall-punti fejn hemm nuqqas ta’ qbil mal-artikolu propost.

4.2

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jirrigwardaw il-kuntratti għall-bejgħ onlajn u bejgħ mill-bogħod ieħor ta’ oġġetti (COM(2015) 635 final – 2015/0288 (COD))

4.2.1

Fir-rigward tal-bażi legali, b’mod konsistenti mal-Opinjonijiet preċedenti tal-KESE, ir-rappreżentanti tal-konsumaturi, kif ukoll il-biċċa l-kbira tal-membri tal-KESE, jidhrilhom li dan għandu jkun l l-Artikolu 169(2) tat-TFUE, peress li huma kkonċernati d-definizzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumaturi u mhux biss l-ikkompletar tas-suq uniku; uħud mill-membri tal-KESE, jiġifieri r-rappreżentant tal-professjonisti, li jagħtu importanza lill-aspett tal-ikkompletar tas-suq uniku, jaqblu mal-Kummissjoni.

4.2.2

Meta tintgħażel direttiva, il-KESE jifhem li din għandha twassal għal armonizzazzjoni minima, skont il-mudell tad-direttiva attwali dwar il-bejgħ u l-garanziji (Direttiva 1999/44/KE), fid-dawl tal-fatt li l-għażla li ġiet adottata twassal għal aktar “frammentazzjoni”, inqas sigurtà legali u żewġ klassijiet ta’ protezzjoni; b’dan qiegħed jiġi mifhum li “t-titjib” introdott issa għandu japplika wkoll għall-bejgħ fid-“dinja fiżika”.

4.2.3

Minħabba l-kumplessità tal-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, il-proposta taġixxi flimkien ma’ għadd ta’ regoli oħrajn, tikkomplementhom (13), iżda teħtieġ sforz żejjed u diffiċli ta’ interpretazzjoni meta mqabbla mar-regoli tajba tal-pakkett “Regolamentazzjoni aħjar” u toħloq diffikultajiet addizzjonali ta’ kompatibilità ma’ standards nazzjonali implimentati eżistenti li jittrasponu u jikkomplementaw dawk ir-regoli Komunitarji, u li huma differenti minn Stat Membru għal ieħor.

4.2.4

Għalhekk, il-KESE jippreferi li r-regoli li jinsabu f’din il-Proposta għal Direttiva jakkumpanjaw ir-reviżjoni tad-Direttiva 1999/44/KE fil-qafas tal-programm REFIT.

4.2.5

Hawn taħt qed isiru xi bidliet konkreti għal xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-proposta:

4.2.5.1    Artikolu 1. – Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

L-akkwist ta’ ċerti servizzi onlajn jew mill-bogħod m’għandux ikun eskluż mill-ambitu tiegħu, pereżempju l-kiri ta’ proprjetà (leasing).

4.2.5.2    Artikolu 2 – Definizzjonijiet

1.

Il-kunċett ta’ garanzija kummerċjali għandu jkopri wkoll forom oħrajn ta’ kumpens, inkella mhux se jiġu kkunsidrati bħala koperti mir-regoli tal-Artikolu 15.

2.

Il-kunċett tal-oġġett mobbli tanġibbli mhuwiex definit b’mod pożittiv, u b’hekk iqajjem interpretazzjonijiet differenti mill-Istati Membri.

3.

Barra minn hekk, mhumiex esklużi tipi ta’ prodotti oħrajn li għandhom leġislazzjoni speċifika, bħalma huma l-farmaċewtiċi u apparati mediċi, li huma esklużi mill-applikazzjoni ta’ regoli oħrajn ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

4.

M’hemmx definit jekk il-pjattaformi onlajn jistgħux jitqiesu bħala “bejjiegħa”.

5.

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ produttur għall-iskop ta’ responsabbiltà diretta tiegħu quddiem il-konsumatur skont l-Artikolu 16 mhuwiex iddefinit.

4.2.5.3    Artikolu 3 – Livell ta’ armonizzazzjoni

Il-livell ta’ armonizzazzjoni għandu jkun minimu, bil-konsegwenzi meħtieġa kollha għar-reġim.

4.2.5.4    Artikoli 4 u 5 – Konformità mal-kuntratt

1.

Il-kriterju ta’ “durabilità” għandu jiġi integrat (14), sabiex b’hekk jikkundizzjona l-perjodu ta’ validità tal-garanzija.

2.

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti tal-konformità għandha tkun ifformulata fin-negattiv, b’hekk il-konsumatur jiġi espressament eżentat milli jrid jagħti prova li l-oġġett mhuwiex konformi, u dan id-dmir ikun ir-responsabilità tal-bejjiegħ.

3.

Il-formulazzjoni tal-eċċezzjonijiet tal-Artikolu tistabbilixxi sitwazzjoni ta’ esklużjoni ġenerali tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ li ma tistax tiġi invokata kontra l-konsumatur mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ radd lura (applikabbli fil-każ tal-VW).

4.2.5.5    Artikolu 7 – Drittijiet ta’ partijiet terzi

Il-kliem li ġej għandu jiżdied fl-aħħar: “… sakemm ma jkunx intlaħaq ftehim ieħor bejn il-partijiet u jissemma b’mod preċiż fit-termini tal-kuntratt”.

4.2.5.6    Artikolu 8. – Iż-żmien rilevanti sabiex tkun stabbilita l-konformità mal-kuntratt

1.

Fit-tmiem tal-paragrafu 2 għandu jiżdied il-kliem “għajr dawk is-sitwazzjonijiet fejn il-kumplessità partikolari tal-installazzjoni tkun teħtieġ żmien itwal, bi ftehim mal-bejjiegħ”.

2.

Id-drittijiet mogħtija f’din il-proposta b’rabta mal-bejjiegħ għandhom jiġu trasmessi lil kwalunkwe detentur li jkun in bona fede.

4.2.5.7    Artikolu 9. – Ir-rimedji tal-konsumatur għan-nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt

1.

Id-dispożizzjoni teskludi bħala l-ewwel għażla l-possibbiltà li oġġett jintradd lura minnufih u li ssir rifużjoni tal-ħlas, u dan imur kontra d-drittijiet tal-konsumaturi f’diversi Stati Membri, b’varjazzjonijiet sinifikanti (il-Greċja, il-Portugall, l-Irlanda, ir-Renju Unit, id-Danimarka, il-Litwanja).

2.

It-terminu “żmien raġonevoli” huwa soġġettiv u jagħti lok għal traspożizzjonijiet differenti fil-kwistjoni essenzjali, u dan huwa inkompatibbli man-natura ta’ armonizzazzjoni massima. Pereżempju, fil-pajjiżi bħall-Bulgarija, Franza, il-Portugall u l-Lussemburgu, il-perjodu huwa ta’ 30 jum; fl-Ungerija, fir-Rumanija, fil-Greċja u fl-Estonja huwa ta’ 15-il jum. Il-liġi għandha tistabbilixxi perjodu li jikkorrispondi għall-massimu pprattikat f’xi pajjiżi tal-UE – 15-il jum.

3.

It-terminu “impossibbli” fil-paragrafu 3(a) għandu jiġi sostitwit b’“teknikament impossibbli”.

4.

Bl-istess mod, it-terminu “inkonvenjent sinifikanti” huwa wisq soġġettiv u għandu jitneħħa jew jinbidel skont il-formulazzjoni tal-liġi Awstrijaka – “l-inqas inkonvenjent possibbli” – u bil-possibilità li l-oġġett jitqiegħed immedjatament għad-dispożizzjoni tal-konsumatur jew li l-konsumatur jirċievi sostitut tal-oġġett fuq bażi temporanja sakemm titlesta t-tiswija.

5.

Il-proposta tal-Kummissjoni ma tqisx ir-rekwiżit eżistenti f’ diversi liġijiet nazzjonali (Franza, Malta, il-Greċja, ir-Rumanija, il-Portugall u s-Slovenja) tal-obbligu ta’ professjonisti produtturi li jżommu jew li jipprovdu fiż-żmien meħtieġ stokk adegwat ta’ spare parts għal perjodu ta’ żmien mistenni ta’ validità, kwistjoni marbuta mal-iskadenza ppjanata u l-perjodu ta’ żmien tal-garanzija fuq l-ispare parts mibdula.

6.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-obbligu tal-bejjiegħ għal sostituzzjoni temporanja tal-merkanzija.

4.2.5.8    Artikolu 10. – Sostituzzjoni tal-oġġetti

1.

Il-Kummissjoni ma tipprevedix is-sospensjoni tal-garanzija legali matul iż-żmien ta’ tiswija jew ta’ sostituzzjoni, hekk kif iseħħ fil-maġġoranza tal-liġijiet nazzjonali. L-istess jista’ jingħad għall-perjodu ta’ medjazzjoni, arbitraġġ jew proċedimenti ġuridiċi eventwali.

2.

Fil-każ ta’ sostituzzjoni, l-oġġett mibdul għandu jingħata garanzija identika għal dik li kellu qabel, li tibda tgħodd mid-data, bi skadenza ġdida.

4.2.5.9    Artikolu 11. – L-għażla tal-konsumatur bejn tiswija u sostituzzjoni

1.

It-terminu “sinifikanti”, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, għandu jiġi eliminat.

2.

Fil-każ ta’ difetti “rikorrenti”, il-konsumatur għandu jkun jista’ jtemm il-kuntratt awtomatikament.

4.2.5.10    Artikolu 13. – Id-dritt tal-konsumatur li jittermina l-kuntratt

1.

Huwa ferm kontestabbli l-obbligu li l-konsumatur ikun meħtieġ iħallas għall-użu jew għax-xedd u l-kedd jew għal meta l-oġġett ma jkunx jista’ jissewwa aktar, fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt.

2.

Madanakollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li, fil-każ tal-eżerċitar tad-dritt ta’ sostituzzjoni, il-konsumatur ma jistax jintalab iħallas kumpens għall-użu tal-prodott difettuż (Kawża Quelle (15)).

3.

Mhuwiex ċar il-valur li għandu jitħallas lura meta l-akkwist ikun sar bi prezz globali għal diversi oġġetti fejn ma ssir ebda distinzjoni bejniethom.

4.2.5.11    Artikolu 14. – Skadenzi

Il-perjodu għandu jqis iż-żmien tal-garanzija eżistenti f’ċerti Stati-Membri (il-Finlandja, in-Netherlands, l-Iżvezja u r-Renju Unit) filwaqt li jiġu kkunsidrati d-durabilità u l-obsolexxenza ppjanata tal-prodotti.

4.2.5.12    Artikolu 15 – Il-garanziji kummerċjali

1.

Fil-paragrafu 1, jiżdied inċiż d) ġdid: garanziji oħrajn offruti mill-bejjiegħ għan-nom ta’ ħaddieħor bl-għan ta’ attribuzzjoni ta’ garanzija (assigurazzjoni tal-apparat, garanziji tal-marka, eċċ).

2.

Dan għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-possibbiltà li l-garanzija kummerċjali tingħadda lil partijiet terzi.

4.2.5.13    Artikolu 16 – Id-dritt ta’ rimedju

1.

In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni f’dan ir-rigward huwa sors importanti ta’ diverġenza fl-applikazzjoni tad-direttiva b’konsegwenzi diżastrużi għall-kummerċ.

2.

Ir-regola għandha tkun li tiġi prevista responsabilità diretta u konġunta min-naħa tal-manifattur fil-konfront tal-konsumatur, fejn dan jista’ jagħżel bejn tiswija jew sostituzzjoni tal-oġġett.

3.

Għandu jkun hemm ukoll dispożizzjoni li tkopri każijiet ta’ rimedju legali li jkun qed ifittex il-bejjiegħ mingħand il-produttur, fejn il-bejjiegħ ikun intitolat għall-ammont sħiħ tal-ispejjeż li jkun ġarrab.

4.

Bħal fil-punti preċedenti, għandha tiġi prevista responsabbiltà konġunta tal-pjattaformi onlajn minn fejn il-konsumatur ikun xtara l-oġġett.

4.2.5.14    Artikolu 17 — L-infurzar

In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-aspetti ta’ sorveljanza tal-implimentazzjoni tad-direttiva huwa ostaklu kbir għall-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi u għall-kompetizzjoni ġusta.

4.3

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali (COM(2015) 634 final - 2015/0287 (COD))

4.3.1

Kif tafferma l-istess Kummissjoni, il-motivazzjoni tal-proposta, il-ġbir ta’ għarfien espert u l-valutazzjonijiet tal-impatt japplikaw għaż-żewġ proposti, peress li huma maħsubin bħala pakkett wieħed b’miri komuni. Għalhekk, il-KESE sejjer joqgħod lura milli jirrepeti kwistjonijiet ġenerali komuni għaż-żewġ proposti u sejjer jillimita ruħu għall-osservazzjonijiet dwar aspetti speċifiċi. Madankollu għandu jiġi osservat qabel kollox li, b’mod ġenerali, jixraq, sa mill-bidu nett, li jkun hemm il-qbil tal-KESE, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

a)

Il-protezzjoni speċjali tal-konsumaturi fl-akkwisti onlajn ta’ assi intanġibbli b’mod proporzjonali mal-kumplessità akbar ta’ prodotti, in-nuqqas ta’ trasparenza fin-negozjati, perikli kbar dwar is-sigurtà u l-privatezza u l-protezzjoni tal-informazzjoni, forom partikolari ta’ prattiċi inġusti u termini inġusti, spejjeż moħbija, varjetà ta’ prezzijiet li jiddependu mill-post u inqas konsistenza fost il-mezzi użati (Internet, mowbajls, netwerks soċjali, eċċ).

b)

Il-ħtieġa urġenti li jiġu stabbiliti regoli ċari għal dawn it-tipi ta’ kuntratti f’qasam fejn apparentament Stat Membru wieħed biss (ir-Renju Unit) għandu regolamentazzjoni speċifika għal dawn it-tipi ta’ kuntratti.

c)

Ir-rakkomandazzjoni li tintlaħaq armonizzazzjoni massima, għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, limitata għall-kuntratti B2C, inċidentalment dejjem tintlaħaq bl-aħjar mod permezz ta’ regolament.

d)

Il-ħtieġa li tiġi definita b’mod uniformi n-natura ġuridika ta’ dawn it-tipi ta’ kuntratti.

e)

Il-ħtieġa għat-tqarrib globali fil-firxa sħiħa ta’ miżuri oħrajn deskritti fl-Istrateġija għas-Suq Ewlieni Diġitali, inkluż b’mod partikolari, l-inizjattivi li għandhom x’jaqsmu mal-portabilità transkonfinali tal-kontenut, ir-rrwol tal-pjattaformi, il-Moviment Liberu ta’ Informazzjoni, l-Inizjattiva Ewropea għall-Cloud, it-taxxa tal-VAT, kif ukoll azzjonijiet biex jiżguraw il-portabilità u l-interoperabilità tal-kontenut, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul fis-seħħ tal-operat tal-pjattaforma dwar is-solvien tat-tilwim onlajn (16) u r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

f)

Il-ħtieġa li tingħta attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, regolata mid-Direttiva 1995/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (17), u mid-Direttiva 2002/58/KE tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (18). Dawn ir-regoli japplikaw b’mod sħiħ għall-forniment ta’ kontenut diġitali f’dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet tal-livell tal-ipproċessar tad-dejta personali.

g)

Fir-reviżjoni tal-pakkett li jirregola dak li għandu x’jaqsam mas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

h)

Il-ħtieġa li jingħata post prominenti lill-kuntratti tal-cloud computing.

4.3.2

Huwa propost li jiġu segwiti xi bidliet konkreti għal xi dispożizzjonijiet tal-proposta, li jikkonsistu f’24 artikolu (u mhux f’20, kif b’mod żbaljat ġie rrapportat f’xi verżjonijiet, punt 5):

4.3.2.1    Artikolu 1 — Suġġett

In-natura ċara tal-“kuntratti għall-forniment ta’ servizzi” bħala suġġett, kif jixhdu wkoll id-definizzjonijiet ta’ “kontenut diġitali” u “forniment” fl-Artikolu 2(1) u (10) ta’ din il-proposta, issaħħaħ il-proposta magħmula fir-rigward tal-Artikolu 1 tal-Proposta għal Direttiva preċedenti.

4.3.2.2    Artikolu 2 — Definizzjonijiet

Jibqa’ s-suġġeriment li fid-definizzjoni ta’ konsumatur, jiġu inklużi l-professjonisti liberi individwali.

4.3.2.3    Artikolu 3 — Kamp ta’ applikazzjoni

1.

Il-KESE jista’ jaċċetta li ħlas in natura (“eżekuzzjoni korrispettiva li mhijiex flus”), diment li dan il-kunċett ikun definit b’mod preċiż fir-rigward tal-kontenut tiegħu u fil-każ ta’ forniment ta’ data personali jew ta’ data oħra ikun hemm bżonn li jiġu speċifikati liema, u taħt liema kundizzjonijiet u ċirkostanzi.

2.

Se jkun hemm bżonn ukoll li jiġi ċċarat jekk ċerti servizzi bħall-pay TV (televiżjoni bi ħlas) humiex inklużi, kif ukoll is-servizzi ta’ Google u Facebook Messenger, u jekk ċerti pjattaformi fiżiċi ta’ aċċess jew bl-Internet, ta’ oġġetti jaqgħux taħt tanġibbli jew intanġibbli.

3.

Mhuwiex ċar jekk l-esklużjoni 5(a) tkoprix il-kura tas-saħħa, is-servizzi tal-logħob għall-flus jew is-servizzi finanzjarji. Din il-kwistjoni teħtieġ ċarezza inkella sejra tinħoloq inċertezza legali.

4.

Mhuwiex ċar jekk dan l-għan ikoprix ukoll ‘l hekk imsejħa “pagamenti moħbija” jiġifieri, dawk is-servizzi li jiġu pprovduti bla ħlas, iżda li matul l-implimentazzjoni tagħhom, jinkludu servizzi oħrajn, li fil-fatt ikunu bi ħlas.

5.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-data li teħtieġ li tiġi pproċessata, fl-Artikolu 3(4), għandu jkopri mhux biss l-eżekuzzjoni, iżda wkoll il-“konklużjoni tal-kuntratt”; l-ipproċessar ta’ din id-data għandu jiġi awtorizzat skont ir-regoli stipulati fil-leġislazzjoni dwar id-data personali.

6.

Huwa wkoll kruċjali li ssir kjarifika fir-rigward tad-differenza bejn prodotti u servizzi onlajn, u dawk li huma interkonnessi għal kollox ma’ assi tanġibbli, bħalma jseħħ fl-hekk imsejħa oqsma tal-“wearables” (apparat li jintlibes) jew bl-Internet tal-oġġetti, fejn il-maġġoranza tal-proċedura sseħħ f’livell diġitali, minkejja l-eżistenza ta’ oġġett tanġibbli fil-bażi tagħha.

7.

Għandu jkun ċar li s-servizzi taċ-ċentri tad-data, b’mod partikolari l-cloud computing, għandhom jiġu identifikati b’mod ċar f’din il-proposta, irrispettivament minn jekk dawn humiex bla ħlas jew soġġetti għal kumpens, fejn wieħed irid iqis li ħafna drabi dawn issibhom assoċjati ma’ servizzi jew prodotti oħrajn li jiġu pprovduti lill-konsumaturi, u b’hekk ikun hemm ir-riskju li dawn jistgħu jiġu esklużi mill-għan tal-applikazzjoni tad-direttiva.

8.

Jinħtieġ ukoll li jiġi ċċarat fl-ambitu ta’ dan l-istrument jekk it-taħlita tas-servizzi tal-kontenut diġitali mas-servizzi tal-komunikazzjoni bħall-Facebook Messenger jew Google Hangout humiex inklużi, peress li dawn mhumiex attwalment irregolati mid-Direttiva 2002/21/KE dwar is-servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, u huwa mifhum li xi wħud minn dawn is-servizzi għandhom jitqiesu bħala servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, bi protezzjoni relattiva miżjuda għall-konsumatur.

9.

Bl-istess mod, id-distinzjoni bejn sitwazzjonijiet fejn l-akkwist tad-data personali huwa mmirat biss għat-twettiq tal-kuntratt jew għall-konformità mal-istandards legali, mhijiex ċara. Għal din ir-raġuni, il-KESE jissuġġerixxi, li b’kawtela, issir l-applikazzjoni tad-direttiva għas-servizzi kollha li huma pprovduti permezz tal-provvista ta’ data personali, għajr dawk biss fejn il-fornitur speċifikament juri, li għandhom l-għan biss li jwasslu għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew għall-konformità tal-istandards legali.

10.

Fir-rigward tal-punt 4 wkoll, se jkun neċessarju li jiġi ċċarat meta l-ġbir tad-data personali huwa maħsub għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali, filwaqt li wieħed għandu jqis li f’setturi oħrajn bħat-telekomunikazzjoni u l-enerġija, id-data personali, għalkemm hija awtorizzata bħala parti mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ta’ spiss tintuża għall-kampanji kummerċjali mill-kumpaniji nfushom, u b’mod partikolari, jekk din tapplikax għal tipi oħrajn ta’ kontropartijiet lil hinn mill-flus.

4.3.2.4    Artikolu 4 — Livell ta’ armonizzazzjoni

Il KESE jaċċetta r-raġunijiet tal-proposta għal armonizzazzjoni massima, diment li jkun iggarantit livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumaturi.

4.3.2.5    Artikolu 5 — Forniment ta’ kontenut diġitali

Mhuwiex ċar jekk l-obbligu fil-paragrafu 2 ta’ “forniment immedjat” tal-kontenut huwiex konsistenti mad-Direttiva 2011/83/UE li tipprevedi li l-provvediment immedjat jeħtieġ il-kunsens tal-konsumatur, waqt li fl-istess ħin timplika d-dritt ta’ radd lura fi żmien 14-il jum (Artikolu 16(m) tad-Direttiva). Jidher xieraq li għandhom jiġu armonizzati r-regoli f’dan il-qasam sabiex jiġi eliminat ir-riskju li regoli li jistgħu ikunu ta’ ħsara għan-negozji u għall-konsumaturi jidħlu fuq xulxin.

4.3.2.6    Artikolu 6 — Konformità

1.

Fil-paragrafu 1 ħassar “fejn ikun rilevanti”

2.

Fil-paragrafu 1(b), wara “għal kull skop partikolari li għalih jeħtieġu l-konsumatur”, għandu jiżdied il-kliem “jew li qed jistenna b’mod leġittimu”.

3.

Fil-paragrafu 2 u fil-paragrafu 2(b) ħassar “fejn rilevanti”.

4.3.2.7    Artikolu 9o — L-oneru tal-provi

Fil-punt 3 għandu jitħassar il-kliem “possibbli u”.

4.3.2.8    Artikolu 11 — Ir-rimedju għan-nuqqas ta’ forniment

Il-formulazzjoni tal-kliem tal-Artikolu ma tqisx il-mudell ta’ provvediment tal-kontenut f’pakketti temporanji, f’liema każ in-nuqqas ta’ aċċess għal xi film huwa diffiċli li jiġi kkwantifikat b’mod proporzjonali fil-kuntest tal-prezz tal-pakkett totali. Lanqas ma hija kkunsidrata l-possibbiltà li jiġi pprovdut kontenut ieħor li jaqa’ fl-istess livell ta’ prezzijiet (preferut mill-utenti).

4.3.2.9    Artikolu 12 — Ir-rimedji għan-nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt

Fil-paragrafu 2 l-espressjoni “fi żmien raġjonevoli” għandha tinbidel b’“mingħajr dewmien bla bżonn”.

4.3.2.10    Artikolu 13 — Terminazzjoni

1.

Fil-paragrafu (2b), “il-fornitur jieħu l-miżuri kollha mistennija sabiex joqgħod lura… ‘tinbidel b’“il-fornitur għandu joqgħod lura.”

2.

L-inċiżi c), d) u e) jiddependu mir-regolamentazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li għadha mhux magħrufa.

4.3.2.11    Artikolu 16 — Id-dritt ta’ terminazzjoni ta’ kuntratti fit-tul

Iż-żmien għandu jkun ta’ 6 xhur biss.

Għandu jiġi ddikjarat li dan għandu jkun bla ħlas.

Brussell, is-27 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 71, 24.2.2016, p. 65

(2)  COM(2014) 910 final.

(3)  ĠU L 171,7.7.1999, p. 12

(4)  ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1

(5)  ĠU L 165, 18.6.2013

(6)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 5.

(7)  Opinjoni tal-KESE: ĠU C 13, 15.1.2016, p. 192

(8)  Opinjoni tal-KESE: ĠU C 230, 14.7.2015, p. 66

(9)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE: ĠU C 108, 30.4.2004, p. 81; ĠU C 317, 23.12.2009, p. 54ĠU C 181, 21.6.2012, p. 75

(10)  Id-Direttiva 93/13/KEE tal-Kunsill tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, soġġetta għal emenda sussegwenti permezz tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011.

(11)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 383, 17.11.2015, p. 57

(12)  http://ec.europa.eu/justice/newsroom/contract/opinion/

(13)  Id-Direttiva 2011/83/UE (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64); id-Direttiva 2009/125/KE (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10); id-Direttiva 2010/30/UE tad-19.5.2010 (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1).

(14)  Ara l-Opinjoni tal-KESE: ĠU C 67, 6.3.2014, p. 23

(15)  Il-Kawża C-404/06, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 2008 (L-Ewwel Awla), http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1461850459727&uri=CELEX:62006CC0404

(16)  ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1

(17)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31

(18)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37


ANNESS

I.

Dan il-punt tal-Opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata ġie mmodifikat biex jirrifletti emenda ta’ kompromess li ġiet adottata mill-Assemblea, allavojla aktar minn kwart tal-voti mixħuta kienu favur li jinżamm it-test oriġinali (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

a)   Punt 3.4.1

Madankollu, skont ir-riżultati magħrufa u ppubblikati, m’hemm l-ebda maġġoranza ċara favur l-għażla li ssir: l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jopponu b’mod ċar kwalunkwe forma ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-bejjiegħ, waqt li xi l-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet tal-’ professjonisti u xi organizzazzjonijiet akkademiċi huma favur din l-għażla. Min-naħa l-oħra, l-maġġoranza tal-Istati Membri jikkontestaw il-ħtieġa għal leġislazzjoni ġdida dwar ix-xiri mill-bogħod (li jinkludi wkoll bejgħ onlajn) u, b’mod partikolari l-idoneità taż-żewġ direttivi, waqt li titqies id-diffikultà li jinstiltu linji gwida preċiżi u ddefiniti b’mod ċar. Mal-ewwel daqqa t’għajn, l-analiżi oġġettiva tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet iġġegħelna nemmnu li l-għażla 5 tattira kunsens ġenerali mill-operaturi u l-konsumaturi – jiddependi evidentement mill-kontenut tar-regoli kuntrattwali u mill-grad ta’ użu u l-aċċettazzjoni tal-marka ta’ fiduċja minn kumpaniji tal-UE – jiġifieri għaliex hija l-waħda li twassal għal inqas spejjeż lill-operaturi.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

115

Kontra:

91

Astensjonijiet:

18

II.

L-emendi ta’ kompromess li ġejjin ġew irrifjutati mill-Assemblea, allavolja aktar minn kwart tal-voti mixħuta kienu favur l-adozzjoni tagħhom (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

b)   Punt 4.2.1

Fir-rigward tal-bażi legali, b’mod konsistenti mal-opinjonijiet preċedenti tal-KESE, il-biċċa l-kbira tal-membri tal-KESE, inklużi ir-rappreżentanti tal-konsumaturi, kif ukoll b’mod ġenerali l-membri tal-KESE, jidhrilhom li dan għandu jiġi qabel l-Artikolu 169(2) tat-TFUE, safejn dawn jikkonċernaw fundamentalment id-definizzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi u l-ħarsien u d-difiża tagħhom u mhux esklużivament it-twettiq tas-suq uniku; uħud mill-membri tal-KESE, inkluż ir-rappreżentant tal-professjonisti fi ħdan il-KESE, li jagħtu importanza akbar lill-ħtieġa li l-intraprendituri jkollhom sensiela ta’ regoli ċari biex jikkonformaw magħhom lill-aspett tat-twettiq tas-suq uniku, jaqblu mal-Kummissjoni

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

110

Kontra:

110

Astensjonijiet:

10

L-Artikolu 56(6) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-KESE jipprevedi li, jekk in-numru ta’ voti favur ikun daqs in-numru ta’ voti kontra, il-vot tal-president tas-seduta jkun deċiżiv. Abbażi ta’ din ir-regola, il-president iddeċieda li jirrifjuta l-emenda ta’ kompromess.

c)   Punt 4.2.2

Meta tintgħażel direttiva, il-biċċa l-kbira tal-membri tal-KESE, inklużi r-rappreżentanti tal-konsumaturi, jifhem jifhmu li din għandha twassal għal armonizzazzjoni minima, skont il-mudell tad-direttiva attwali dwar il-bejgħ u l-garanziji (Direttiva 1999/44/KE), hekk kif l-għażla li ġiet adottata twassal għal aktar “frammentazzjoni”, inqas sigurtà legali u żewġ klassijiet ta’ protezzjoni; b’dan qiegħed jiġi mifhum li “t-titjib” introdott issa għandu japplika wkoll għall-bejgħ fid-“dinja fiżika”. Ir-rappreżenanti tan-negozju fil-KESE, madankollu, jaqblu mal-proposta biex tiġi applikata armonizzazzjoni massima, għal raġunijiet allegati ta’ ċarezza fl-applikazzjoni tad-drittijiet fis-Suq Uniku.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

102

Kontra:

115

Astensjonijiet:

14

d)   Punt 4.2.5.3

Artikolu 3 – Livell ta’ armonizzazzjoni

Il-biċċa l-kbira tal-membri tal-KESE, inklużi r-rappreżentanti tal-konsumaturi, jistqarru li l-livell ta’ armonizzazzjoni għandu jkun minimu, bir-riżultati neċessarji bil-konsegwenzi kollha meħtieġa ta għar-reġim. Ir-rappreżentanti tan-negozju huma favur armonizzazzjoni massima.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

112

Kontra:

114

Astensjonijiet:

12

e)   Punt 4.2.5.4

Artikoli 4 u 5 – Konformità mal-kuntratt

1.

Il-kriterju ta’ “durabilità” għandu jiġi integrat, b’hekk jikkundizzjona l-perjodu ta’ validità tal-garanzija.

2.

Il-biċċa l-kbira tal-membri tal-KESE, inklużi r-rappreżentanti tal-konsumaturi, jistqarru li Id-definizzjoni tar-rekwiżiti tal-konformità għandha tkun ifformulata fin-negattiv, b’hekk il-konsumatur jiġi espressament eżentat milli jrid jagħti prova li l-oġġett mhuwiex konformi, u dan id-dmir ikun ir-responsabilità tal-bejjiegħ. Ir-rappreżentanti tan-negozju, madankollu, jirrakkomandaw li d-definizzjoni tar-rekwiżiti ta’ konformità tiġi fformulata b’mod ġenerali. Għalihom, il-kriterju ewlieni biex tiġi stabbilita l-konformità għandu jkun dak li l-oġġetti jikkorrispondu għal dak li jkun intlaħaq qbil dwaru (pereżempju, it-tip, il-kwantità, il-kwalità u karatteristiċi oħra).

3.

Il-formulazzjoni tal-eċċezzjonijiet tal-Artikolu tistabbilixxi sitwazzjoni ta’ esklużjoni ġenerali tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ li ma tistax tiġi invokata kontra l-konsumatur mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ radd lura (applikabbli fil-każ tal-VW).”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

99

Kontra:

126

Astensjonijiet:

13

f)   Punt 4.2.5.7

Artikolu 9 — Ir-rimedji tal-konsumatur għan-nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt

1.

Ir-rappreżentanti tal-konsumaturi josservaw li Id-dispożizzjoni eskludiet bħala l-ewwel għażla l-possibbiltà li oġġett jintradd lura minnufih u li ssir rifużjoni tal-ħlas, u dan imur kontra d-drittijiet tal-konsumaturi f’diversi Stati Membri, b’varjazzjonijiet sinifikanti (il-Greċja, il-Portugall, l-Irlanda, ir-Renju Unit, id-Danimarka, il-Litwanja). Ir-rappreżentanti tan-negozju jaqblu – b’konformità mal-ogħla livell ta’ armonizzazzjoni possibbli – li din l-għażla ma ġietx prevista.

2.

Ir-rappreżentanti tal-konsumaturi huma tal-fehma li It-terminu “żmien raġonevoli” huwa soġġettiv u jagħti lok għal traspożizzjonijiet differenti fil-kwistjoni essenzjali, u dan huwa inkompatibbli man-natura ta’ armonizzazzjoni massima. Pereżempju, fil-pajjiżi bħall-Bulgarija, Franza, il-Portugall u l-Lussemburgu, il-perjodu huwa ta’ 30 jum; fl-Ungerija, fir-Rumanija, fil-Greċja u fl-Estonja huwa ta’ 15-il jum. Il-liġi għandha tistabbilixxi perjodu li jikkorrispondi għall-massimu pprattikat f’xi pajjiżi tal-UE – 15-il jum. Ir-rappreżentanti tan-negozju jistqarru li l-kunċett ta’ “żmien raġonevoli” huwa formulazzjoni legali oġġettiva, u fl-istess ħin jagħti lok biex ikun hemm applikazzjonijiet differenti f’sitwazzjonijiet differenti.

3.

It-terminu “impossibbli” fil-paragrafu 3, inċiż a) għandu jiġi sostitwit b’“teknikament impossibbli”.

4.

Ir-rappreżentanti tal-konsumaturi B bl-istess mod, huma tal-fehma li it-terminu “inkonvenjent sinifikanti” huwa wisq soġġettiv u għandu jitneħħa jew jinbidel skont il-formulazzjoni tal-liġi Awstrijaka – “l-inqas inkonvenjent possibbli” – u bil-possibilità li l-oġġett jitqiegħed immedjatament għad-dispożizzjoni tal-konsumatur jew li l-konsumatur jirċievi sostitut tal-oġġett fuq bażi temporanja sakemm titlesta t-tiswija. Ir-rappreżentanti tan-negozju jirreferu għall-fatt li din il-formulazzjoni legali tant magħrufa tagħti lok għal applikazzjonijiet differenti f’sitwazzjonijiet differenti.

5.

Il-proposta tal-Kummissjoni ma tqisx id-domanda diġà kostanti ta’ diversi liġijiet nazzjonali (Franza, Malta, il-Greċja, ir-Rumanija, il-Portugall u s-Slovenja) tal-obbligu ta’ professjonisti produtturi li jżommu jew li jipprovdu fiż-żmien meħtieġ stokk xieraq ta’ spare parts għal perjodu ta’ żmien mistenni ta’ validità, kwistjoni marbuta mal-iskadenza ppjanata u l-perjodu ta’ żmien tal-garanzija fuq l-ispare parts mibdula.

6.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-obbligu tal-bejjiegħ għal sostituzzjoni temporanja.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

100

Kontra:

135

Astensjonijiet:

2

g)   Punt 4.2.5.10

Artikolu 13. – Id-dritt tal-konsumatur li jittermina l-kuntratt

1.

Ir-rappreżentanti tan-negozju jitolbu li tiżdied id-dispożizzjoni fl-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 1999/44/KE, bil-kundizzjoni li l-konsumatur mhuwiex intitolat li jirrevoka l-kuntratt jekk in-nuqqas ta’ konformità jkun minuri.

1.

Huwa ferm kontestabbli l-obbligu li l-konsumatur ikun meħtieġ iħallas għall-użu jew għax-xedd u l-kedd jew għal meta l-oġġett ma jkunx jista’ jissewwa aktar, fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt.

2.

Madanakollu, il-Qorti diġà indikat li, fil-każ tal-eżerċitar tad-dritt ta’ sostituzzjoni, il-konsumatur ma jistax jintalab iħallas kumpens għall-użu tal-prodott difettuż (Kawża Quelle).

3.

Mhuwiex ċar il-valur li għandu jitħallas lura meta l-akkwist ikun sar bi prezz globali għal diversi oġġetti fejn ma ssir ebda distinzjoni bejniethom.

4.

Ir-rappreżentanti tan-negozju jitolbu li tiżdied id-dispożizzjoni fl-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 1999/44/KE, bil-kundizzjoni li l-konsumatur mhuwiex intitolat li jirrevoka l-kuntratt jekk in-nuqqas ta’ konformità jkun minuri.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

110

Kontra:

118

Astensjonijiet:

18

h)   Punt 4.2.5.10

Artikolu 13. – Id-dritt tal-konsumatur li jittermina l-kuntratt

1.

Il-biċċa l-kbira tal-membri tal-KESE, inklużi r-rappreżentanti tal-konsumaturi, huma tal-fehma li H huwa ferm kontestabbli l-obbligu li l-konsumatur ikun meħtieġ iħallas għall-użu jew għax-xedd u l-kedd jew għal meta l-oġġett ma jkunx jista’ jissewwa aktar, fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt. Ir-rappreżentanti tan-negozju madankollu jappoġġjaw din id-dispożizzjoni.

2.

Madanakollu, il-Qorti diġà indikat li, fil-każ tal-eżerċitar tad-dritt ta’ sostituzzjoni, il-konsumatur ma jistax jintalab iħallas kumpens għall-użu tal-prodott difettuż (Kawża Quelle).

3.

Mhuwiex ċar il-valur li għandu jitħallas lura meta l-akkwist ikun sar bi prezz globali għal diversi oġġetti fejn ma ssir ebda distinzjoni bejniethom.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

101

Kontra:

132

Astensjonijiet:

10

i)   Punti 1.3 u 1.4

1.3

Madankollu, rigward l-aspetti li ġew ittrattati, il-biċċa l-kbira tal-membri tal-KESE, inklużi r-rappreżentanti tal-konsumaturi, ma jaqbilx jaqblux mal-bażi legali invokata mill-Kummissjoni u qiegħed jagħmel qegħdin jagħmlu kontroproposta għall-Artikolu 169 tat-TFUE. Minn dan isegwi li, fil-prinċipju, il-miżuri adottati għandhom ikunu bbażati fuq direttivi ta’ armonizzazzjoni minima, kif huwa ċar mill-paragrafu 2(a) u mill-paragrafu 4 tal-istess artikolu, kif ġie ġeneralment aċċettat mil-leġislatur Ewropew.

1.4

Minn dan isegwi li, fil-prinċipju, il-miżuri adottati għandhom ikunu bbażati fuq direttivi ta’ armonizzazzjoni minima, kif huwa ċar mill-paragrafu 2(a) u mill-paragrafu 4 tal-istess artikolu, kif ġie ġeneralment aċċettat mil-leġislatur Ewropew. Madankollu, ir-rappreżentanti tan-negozji jaqblu mal-bażi legali kkwotata mill-Kummissjoni, billi hemm kwistjonijiet tas-suq intern meqjusin bħala dominantifil-mira u l-kumpaniji għandhom bżonn sett wieħed ta’ regoli ċari biex jiġu osservati.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

111

Kontra:

123

Astensjonijiet:

12


20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-regoli dwar l-Akkwist Pubbliku b’rabta mal-kriżi attwali tal-ażil”

[COM(2015) 454 final]

(2016/C 264/08)

Relatur:

Erik SVENSSON

Nhar l-14 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-regoli dwar l-Akkwist Pubbliku b’rabta mal-kriżi attwali tal-ażil”

[COM(2015) 454 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’220 vot favur, vot wieħed kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

F’sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet kontraenti jinsabu taħt pressjoni biex isibu soluzzjoni għall-problemi urġenti b’rabta mal-kriżi tar-refuġjati u tal-ażil, il-KESE jieħu nota bir-reqqa l-Komunikazzjoni ta’ spjegazzjoni mill-Kummissjoni li ma ġġib ebda tibdil magħha.

1.2

Bħall-Kummissjoni, il-KESE jirrimarka li kemm id-Direttiva attwali kif ukoll dik ġdida jistgħu jippermettu biżżejjed flessibbiltà għal proċessar aktar mgħaġġel permezz tal-possibbiltà tat-tnaqqis konsiderevoli taż-żmien għall-preżentazzjoni tal-offerti u tal-akkwist pubbliku dirett.

1.3

Madankollu, il-KESE jenfasizza li huwa importanti:

li jiġi żgurat livell għoli ta’ trasparenza u dokumentazzjoni ddettaljata tal-proċeduri;

li jiġi evitat l-użu mhux xieraq tal-flessibbiltà tar-regoli;

li jinstabu soluzzjonijiet li jiffaċilitaw integrazzjoni sussegwenti u appoġġ addizzjonali;

li f’każijiet urġenti jingħataw kuntratti assenjati għal perjodu ta’ żmien qasir.

1.4

L-importanza tas-settur mingħajr skop ta’ qligħ bħala suppliment għall-akkwist pubbliku għandha tingħata l-apprezzament li jistħoqqilha. Bis-saħħa tal-impenn ta’ dan is-settur, ħafna pajjiżi setgħu jappoġġjaw u jgħinu ħafna aktar nies milli kieku kien ikun possibbli.

1.5

Il-KESE jqis essenzjali s-simplifikazzjoni ta’ proċessi burokratiċi li jwasslu għal proċeduri ta’ akkwist twal, minkejja li l-qafas legali jippermetti pproċessar aktar mgħaġġel.

1.6

Fid-dawl tat-theddid ġdid u li qiegħed jiżdied, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jikkunsidraw proċedura ta’ akkwist separata għal soluzzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ assigurazzjoni.

1.7

Il-KESE jinnota li fir-rigward ta’ refuġjati li ma jkunux iridu japplikaw għall-ażil wara l-wasla tagħhom, xorta waħda jkun hemm problemi simili, peress li huma xorta waħda jkunu jeħtieġu b’urġenza kbira l-appoġġ, il-kura għas-saħħa u l-protezzjoni.

1.8

Il-KESE jenfasizza li fil-kuntest tal-akkwist pubbliku b’rabta mal-kriżi tal-ażil u tar-refuġjati għandhom jitqiesu wkoll servizzi oħrajn li jwittu t-triq għal integrazzjoni futurua u jiffaċilitawha.

1.9

Il-KESE jitlob u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiċċara wkoll fil-Komunikazzjoni tagħha l-kwistjoni tal-akkwist pubbliku b’rabta mal-kriżi tal-ażil attwali jew tabbozza komunikazzjoni oħra dwar l-akkwist pubbliku b’rabta mal-kriżi tal-ażil.

2.   Kontenut essenzjali tad-dokument tal-Kummissjoni

2.1

Iż-żieda qawwija f’daqqa ta’ persuni li jfittxu ażil qiegħda tippreżenta attwalment sfidi kbar għall-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jwieġbu b’mod adegwat u mingħajr dewmien għall-ħtiġijiet immedjati ta’ dawk il-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil (akkomodazzjoni, forniment ta’ oġġetti u servizzi). Ir-regoli Ewropej dwar l-akkwist pubbliku flimkien mad-Direttiva eżistenti attwali 2004/18/KE (1) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “id-Direttiva”) kif ukoll id-Direttiva l-ġdida 2014/24/UE (2) dwar l-akkwist pubbliku joffru l-istrumenti essenzjali kollha li bihom jistgħu jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet.

2.2

B’din il-Komunikazzjoni ma ser tinħoloq l-ebda regola leġislattiva ġdida. Hi tinkludi l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar regoli għal: (i) kuntratti għall-infrastruttura (akkomodazzjoni) li jsiru disponibbli jew permezz tal-kiri ta’ bini eżistenti li fihom mhuwa meħtieġ l-ebda xogħol estensiv ta’ tiswijiet (jiġifieri kostruzzjoni) jew permezz tal-kostruzzjoni ta’ bini ġdid jew permezz tar-rinnovazzjoni ta’ bini diġà eżistenti b’livell limitu ta’ EUR 5 186 000; (ii) kuntratti għall-forniment ta’ oġġetti bħal tined, kontejners, ħwejjeġ, kutri, sodod u ikel bl-livell limitu ta’ EUR 135 000 (qabel kien EUR 134 000) jew EUR 209 000 (qabel kien EUR 207 000), skont it-tip tal-awtorità kontraenti; (iii) kuntratti għal servizzi bħal servizzi ta’ tindif, tas-saħħa, tal-ikel u tas-sigurtà bl-istess livelli ta’ limitu bħall-kuntratti dwar il-forniment tal-oġġetti. Għalkemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma applikabbli għas-servizzi kollha, f’każ ta’ “dispożizzjonijiet speċjali” (għal servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħrajn) japplikaw regoli speċjali għall-għoti ta’ kuntratt. Għal servizzi bħal dawn il-livell limitu ġie stabbilit għal EUR 750 000.

2.3

L-awtorità kontraenti tista’ tagħti kuntratti li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva permezz ta’ proċedura miftuħa jew ristretta. Il-perjodu minimu għall-preżentazzjoni tal-offerta fi proċedura miftuħa huwa ta’ 52 jum, iżda jista’ jitqassar għal 40 jum permezz ta’ mezzi elettroniċi. F’każ ta’ proċedura ristretta, id-data tal-għeluq ġeneralment tkun ta’ 37 jum għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal parteċipazzjoni u 40 jum ieħor għall-preżentazzjoni tal-offerti, wara li l-awtorità kontraenti tkun ħatret il-parteċipanti li jitħallew jissottomettu offerta.

Għal każijiet urġenti, fid-Direttiva huwa previst tnaqqis sostanzjali tal-limiti ta’ żmien ġenerali għall-preżentazzjoni: a) “proċedura aċċellerata ristretta”, li fiha l-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal parteċipazzjoni huwa ta’ ħmistax-il jum u għall-preżentazzjoni tal-offerti huwa ta’ għaxart ijiem; b) “proċedura nnegozjata mingħajr avviż”, li tippermetti l-għoti ta’ kuntratt sabiex jiġu żgurati l-ħtiġijiet ta’ dawk il-persuni li jfittxu l-ażil fl-aktar każijiet urġenti.

2.4

L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiddeċiedu skont il-każ liema proċedura huma sejrin jużaw għall-għoti ta’ kuntratti, li huma maħsubin biex jissodisfaw il-ħtiġijiet immedjati ta’ dawk il-persuni li jfittxu l-ażil (akkomodazzjoni, forniment ta’ oġġetti u servizzi).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jieħu nota bir-reqqa tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni u jaqbel mal-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni, li l-Istati Membri għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jiżguraw il-ħtiġijiet l-aktar urġenti ta’ dawk il-persuni li jfittxu l-ażil.

3.1.1

Il-KESE josserva li din il-Komunikazzjoni ma ġġib ebda bidla magħha, iżda tinkludi kjarifiki u spjegazzjonijiet kostruttivi.

3.2

Il-KESE jqis li huwa tajjeb u xieraq li l-Kummissjoni tesprimi l-opinjoni tagħha issa dwar l-ambitu tad-dispożizzjonijiet attwali, peress li bosta pajjiżi - anke jekk f’livelli varji - laqgħu aktar minn qatt qabel persuni li qed ifittxu l-ażil u l-awtoritajiet kontraenti (nazzjonali u reġjonali) jinsabu taħt pressjoni kbira ħafna.

3.3

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li esprimiet fil-Komunikazzjoni tagħha, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva attwali 2004/18/KE u tad-Direttiva l-ġdida 2014/24/UE, li għandha tiġi implimentata sa mhux aktar tard mit-18 ta’ April 2016 ta’ din is-sena fil-leġislazzjoni nazzjonali, diġà huma essenzjalment biżżejjed sabiex in-numru ta’ refuġjati li dejjem qiegħed jikber u r-restrizzjonijiet tal-ħin minħabba s-sitwazzjoni attwali tar-refuġjati jiġu indirizzati.

3.3.1

Huwa importanti ħafna li r-regoli għall-akkwist pubbliku ma jirrappreżentawx ostakolu sabiex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata u tiġi żgurata l-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-ażil. Dan ir-riskju jinsab prinċipalment fl-oqsma tad-djar, tal-kura tas-saħħa, tas-sigurtà u tal-provvista tal-ikel.

3.3.2

Il-KESE jittama li d-Direttiva l-ġdida, u magħha r-regoli nazzjonali ġodda, ikunu jistgħu jippermettu biżżejjed flessibbiltà għal proċessar aktar mgħaġġel permezz tat-tnaqqis konsiderevoli tal-limiti taż-żmien għall-preżentazzjoni tal-offerti.

3.3.3

F’każijiet tal-akbar urġenza hemm ukoll il-possibbiltà tal-għotja diretta anke jekk dan ifisser li jinqabeż il-livell limitu.

3.4

Il-KESE jqis essenzjali l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ trasparenza u dokumentazzjoni ddettaljata tal-proċeduri matul proċeduri rapidi jew matul l-għotja diretta.

3.4.1

Huwa essenzjali li l-ebda parti – kemm jekk awtoritajiet kif ukoll fornituri – ma tuża l-flessibbiltà tar-regoli b’mod mhux xieraq, sabiex il-liġi dwar l-għoti ta’ akkwist pubbliku tibqa’ tiġi appoġġjata mill-kumpaniji kif ukoll mit-trejdjunjins u mill-bqija tas-soċjetà ċivili. Minħabba din ir-raġuni huwa importanti ħafna li matul il-proċedura diġà jsiru arranġamenti biex jiġu ffaċilitati reviżjonijiet eventwali. Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni adatta, tista’ tiġi kkunsidrata proċedura għall-evalwazzjoni ex post.

3.4.2

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li f’każijiet urġenti għandhom jitfittxu soluzzjonijiet li jiffaċilitaw integrazzjoni sussegwenti u aktar appoġġ. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli bħalma huma l-minorenni mhux akkumpanjati, in-nisa tqal u l-persuni b’diżabbiltà.

3.5

F’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, kif aħna bħalissa qegħdin nesperjenzaw f’ċerti pajjiżi fl-UE b’rabta mal-kriżi tal-ażil attwali, dejjem ikun hemm ir-riskju, li kemm l-awtoritajiet kontraenti kif ukoll il-fornituri jfittxu “l-eħfef triq”.

3.6

Huwa importanti li kuntratti li jingħataw f’każijiet urġenti (fil-kuntest ta’ proċedura ristretta aċċellerata jew ta’ proċedura nnegozjata mingħajr avviż) jiġu limitati għal perjodu ta’ żmien qasir sabiex kollox jerġa’ jmur lura għan-normal kemm jista’ jkun malajr.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Għandu jiġi enfasizzat li s-settur mingħajr skop ta’ qligħ, bħala suppliment għall-akkwist pubbliku, ta kontribut kbir ħafna. Dan kien fundamentali f’dawk il-pajjiżi li l-aktar li laqgħu persuni li qed ifittxu l-ażil (pereżempju il-Ġermanja u l-Iżvezja). Mingħajr l-isforz tas-settur mingħajr skop ta’ qligħ ma konniex inkunu nistgħu nindirizzaw is-sitwazzjoni fuq dan il-livell.

4.1.1

Il-possibbiltà ta’ għotja diretta tinsab miftuħa wkoll għal dawk l-atturi, li rarament jitqiesu fl-akkwist pubbliku (pereżempju organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ).

4.2

Għalkemm il-qafas legali jipprovdi possibbiltajiet għal proċessar rapidu, ħafna drabi l-awtoritajiet kontraenti jeħtieġu (ħafna) wisq ħin. Il-proċessi burokratiċi jistgħu jwasslu għal proċeduri ta’ akkwist twal.

4.3

Kien ikun rilevanti kieku ngħata eżempju konkret minn pajjiż tal-UE, li (bħalma għamlet il-Ġermanja) mil-lat tad-daqs tal-pajjiż, laqa’ l-akbar numru ta’ persuni li qed ifittxu l-ażil, prinċipalment mis-Sirja.

4.3.1

F’Novembru 2015, il-Gvern Żvediż evalwa jekk kinitx tkun xierqa bidla fil-liġi biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ferm diffiċli tal-ażil.

4.3.2

Skont it-tweġibiet tal-awtoritajiet kontraenti Żvediżi, ir-regoli għall-akkwist pubbliku jippermettu reazzjoni rapida f’każijiet ta’ emerġenza, kif ukoll il-ħarsien l-interess pubbliku u bilanċ intelliġenti tal-interessi.

4.4

Il-KESE huwa tal-fehma li, sabiex jiżguraw il-kwalità fix-xogħol tagħhom kif ukoll sabiex ikunu jistgħu jirreaġixxu bir-rapidità meħtieġa, l-awtoritajiet kontraenti għandhom iwettqu stħarriġ tas-suq qabel tiżviluppa sitwazzjoni ta’ kriżi biex jipprovdu fornituri potenzjali u disponibbli u jkunu jistgħu jagħtu stima tal-ispejjeż mistennija.

4.5

Il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li l-awtorità kontraenti ma tipposponix il-konklużjoni tal-kuntratt, iżda tipproċedi bir-rapidità mitluba fiċ-ċirkustanzi partikolari.

4.6

L-esperjenza turi li l-ispejjeż tas-sigurtà u tal-assigurazzjoni minħabba t-theddid u l-avvenimenti l-aktar riċenti żdiedu b’mod konsiderevoli (sa tliet darbiet aktar).

4.7

L-awtoritajiet kontraenti għandhom jikkunsidraw proċeduri ta’ akkwist separati għal soluzzjonijiet ta’ sigurtà u għal soluzzjonijiet ta’ assigurazzjoni, sabiex titnaqqas l-inċertezza fil-qasam tal-kuntratti ta’ akkwist u tiżdied id-disponibbiltà ta’ soluzzjonijiet possibbli.

5.   Kummenti dwar mistoqsijiet li mhumiex indirizzati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

5.1

Il-KESE jirrimarka li r-refuġjati li ma jixtiqux japplikaw għall-ażil jirrappreżentaw kriżi simili. Anke f’dawn il-każijiet għandhom jiġu żgurati b’mod urġenti il-miżuri ta’ appoġġ, il-kura tas-saħħa u l-miżuri protettivi u għandhom jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet l-aktar bażiċi tal-bniedem.

5.2

Il-KESE jqis li għandhom jiġu kkunsidrati wkoll is-servizzi li jħejju għal/jiffaċilitaw il-ħajja ta’ kuljum u integrazzjoni possibbli futura fiil-qafas tal-akkwist pubbliku, fis-setturi tad-djar, tal-kura tas-saħħa u servizzi għal persuni li jfittxu l-ażil u refuġjati oħrajn. Dawn is-servizzi urġenti jinkludu wkoll it-tagħlim tal-lingwi, kif ukoll, idealment, taħriġ vokazzjonali.

5.2.1

Diġà hemm eżempji konkreti għall-għoti ta’ kuntratt għat-tagħlim tal-lingwi, it-tagħlim tas-sewqan u attivitajiet importanti oħrajn li jiġu żgurati mis-settur mingħajr skop ta’ qligħ, mill-knejjes jew l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

5.3

Huwa importanti ferm li l-pagament isir tabilħaqq f’pajjiżi b’ekonomija dgħajfa u li jkollhom ir-riskju li l-awtoritajiet ma jkunux jistgħu jħallsu għas-servizzi kkummissjonati.

5.4

Finalment il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħti aktar kjarifiki fil-Komunikazzjoni tagħha fir-rigward tal-kuntest usa’, jew billi tindirizza l-akkwist pubbliku wkoll fir-rigward tal-kriżi tal-ażil kif ukoll tar-refuġjati, inkella billi tħejji Komunikazzjoni oħra dwar l-akkwist pubbliku bħala reazzjoni għal kriżi tar-refuġjati.

Brussell, is-27 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114; Opinjoni tal-KESE: ĠU C 193, 10.7.2001, p. 7 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65; Opinjoni tal-KESE: ĠU C 191, 29.6.2012, p. 84


20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/77


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi”

[COM(2015) 750 final — 2015/0269 (COD)]

(2016/C 264/09)

Relatur:

is-Sur Paulo BARROS VALE

Nhar l-14 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 91/477/KEE tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi”

[COM(2015) 750 final — 2015/0269 (COD)].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’176 vot favur, 8 voti kontra u 20 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Minħabba li l-kwistjonijiet li huma relatati mal-armi huma dejjem suġġett kontroversjali, l-avvenimenti traġiċi fl-Ewropa wasslu għal diskussjoni saħansitra aktar taħraq dwar din il-kwistjoni. Madankollu, il-valutazzjoni tar-reviżjoni tad-direttiva għandha bilfors titqies bl-aktar mod iżjed oġġettiv u mingħajr daqstant passjoni, fejn il-kwistjonijiet tas-sigurtà u tas-suq jiġu analizzati b’mod bilanċjat, u l-kwistjoni ewlenija tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata titħalla għal diskussjonijiet oħrajn li huma aktar adegwati minħabba l-gravità tagħhom.

1.2

Skont l-istudju Study on Firearms (studju dwar l-armi tan-nar) tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (1), ġew irreġistrati madwar 875 miljun arma fl-2007, li minnhom 3 % biss kienu miżmuma mill-pulizija u 23 % mill-militar. F’industrija ta’ dan id-daqs, huwa fid-dmir tal-leġislatur li jsib u li jimponi l-mezzi li jkunu kapaċi jtaffu l-periklu involut bil-pussess ta’ numru daqshekk kbir ta’ armi.

1.3

Il-KESE jappoġġja l-adozzjoni tad-direttiva inkwistjoni li tiċċara d-definizzjonijiet, tintroduċi rekwiżiti ġodda u regoli aktar konsistenti dwar l-immarkar u l-qerda tal-armi, iżda li tissuġġerixxi wkoll azzjonijiet li huma meqjusin li jistgħu jikkontribwixxu biex tiżdied is-sigurtà taċ-ċittadini.

1.4

Fl-industrija tal-armamenti, għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri f’setturi oħra, li dwarhom l-Unjoni Ewropea diġà lleġislat bil-bosta, ir-regoli imposti għadhom lura minn dak li seta’ nkiseb mil-lat tas-sigurtà kif ukoll tal-ittraċċar tal-armi u l-munizzjon u tal-individwi involuti f’atti kriminali. Għalhekk, f’qasam tant sensittiv bħalma hi s-sigurtà, għandna nkunu ċari fl-għanijiet li jeħtieġ li jintlaħqu.

1.5

Meta jitqies li l-importanza tat-traċċabilità ma tgħoddx biss għall-armi, iżda tgħodd ukoll għall-munizzjon, il-KESE huwa favur li, fuq perjodu medju jew twil ta’ żmien, tiġi eżaminata l-possibbiltà li l-industrija tiġi imbuttata tevolvi, bil-għan li timmarka l-balal b’mod li ma jitħassarx u f’post fejn ma jiġix distrutt bl-użu. Jekk dan huwa teknikament possibbli, din id-data u d-data l-oħra dwar l-armi, li għandhom ikunu disponibbli f’bażijiet tad-data interoperabbli mill-awtoritajiet responsabbli li japplikaw il-liġi, ikunu jistgħu jikkontribwixxu ħafna għal investigazzjonijiet effiċjenti. Dawn il-bażijiet tad-data ma għandhomx ikunu limitati għal sempliċi reġistri nazzjonali, iżda pjuttost ikun bażi tad-data f’livell Ewropew, li l-awtoritajiet tal-Istati Membi kollha jkunu jistgħu jaċċessaw u jikkobntribwixxu għalih.

1.6

Il-KESE jemmen li l-Ewropa tista’ teżamina l-possibbiltà li ssegwi l-eżempju Awstraljan u Brittaniku fil-programmi tax-xiri tal-armi tagħhom, b’hekk tkun tista’ tneħħi miċ-ċirkolazzjoni eluf ta’ armi. Ma tistax tingħata prova tar-relazzjoni diretta bejn in-numru ta’ armi fl-idejn u n-numru ta’ reati, iżda statistikament, il-probabbilità li jitwettqu reati, li jseħħu inċidenti u li l-armi jaqgħu f’idejn il-kriminali, tkun iżgħar.

1.7

L-evoluzzjoni teknoloġika tal-istampar 3D hija sors ta’ periklu għaliex tista’ tagħti lok għall-produzzjoni ta’ armi, letali daqs l-oħrajn, mingħajr l-ebda possibbiltà ta’ kontroll jew traċċabilità. Barra minn hekk, dawn l-armi jkunu magħmulin prinċipalment minn materjal li ma jinqabadx mis-sistemi tradizzjonali ta’ sigurtà. Iħeġġeġ biex din il-kwistjoni titpoġġa fuq l-aġenda tas-sigurtà tal-pajjiżi li, flimkien, ikunu jistgħu jieħdu miżuri ta’ prevenzjoni fir-rigward tal-proliferazzjoni mingħajr ebda kontroll ta’ armi letali.

2.   Kuntest tal-proposta

2.1

Fil-kuntest attwali fejn is-sigurtà hija ta’ tħassib speċjali, il-Kummissjoni tipproponi li temenda d-Direttiva 91/477/KEE (2) dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE (3).

2.2

Din il-bidla tifforma parti mill-Aġenda Ewropea għas-Sigurtà, li ġiet ippreżentata fit-28 ta’ April 2015, bil-għan li tiżgura tweġiba effiċjenti u koordinata fil-livell Ewropew fir-rigward ta’ theddid għas-sigurtà. L-Aġenda Ewropea għas-Sigurtà identifikat id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali bħala ostaklu għall-effikaċja tal-kontrolli u l-kooperazzjoni tal-pulizija tal-Istati Membri, u għalhekk qiegħda titlob ir-reviżjoni tal-liġijiet dwar l-armi tan-nar kif ukoll dwar ir-regoli għad-diżattivar tal-armi.

2.3

L-għan tad-Direttiva huwa li tiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini, li tiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern tal-armi tan-nar, li tistabbilixxi regoli li għandhom jiġu adottati matul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjet l-armi tan-nar, mill-produzzjoni sal-qerda tagħhom.

2.4

Id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi li kull Stat Membru għandu jimponi fir-rigward tal-akkwist, il-pussess u t-trasferiment ta’ armi ta’ nar ta’ kategoriji differenti, inklużi dawk l-armi li huma maħsubin għall-attivitajiet ta’ kaċċa u ta’ sparar bħala sport.

2.5

Bħala bażi għar-reviżjoni tal-qafas ġuridiku attwali, saru tliet studji dwar l-adegwatezza tal-leġislazzjoni fis-seħħ li kkonkludew li jkun rilevanti li ssir l-adozzjoni ta’ standards minimi fil-livell tal-UE dwar il-kuntrabandu ta’ armi u li ssir reviżjoni tad-Direttiva fis-seħħ, sabiex:

jiġu armonizzati r-regoli tal-immarkar tal-armi tan-nar;

jiġu adottati standards u proċeduri komuni u jiġu introdotti obbligi ta’ reġistrazzjoni ta’ armi tan-nar diżattivati;

jiġu definiti proċeduri għal konvertibilità ta’ armi tal-allarm, ta’ armi tas-sinjal u ta’ armi repliki;

jiġi promoss l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, u l-istabbiliment u l-manteniment ta’ bażijiet ta’ data dwar il-manifattura, il-pussess u d-diżattivar tal-armi;

jiġi żviluppat approċċ komuni għall-klassifikazzjoni ta’ armi għall-kaċċa u għall-isparar bħala sport.

2.6

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet interessati, partikolarment ir-rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet Ewropej li jimmanifatturaw l-armi tan-nar u l-munizzjon għall-użu ċivili, il-parteċipanti fil-kummerċ ċivili tal-armi, il-kaċċaturi, il-kollezzjonisti, l-NGOs u l-istituzzjonijiet tar-riċerka. L-Istati Membri u l-NGOs qablu fuq l-utilità tad-Direttiva attwali sabiex timpedixxi milli l-armi tan-nar jiġu żvijjati għas-suq illegali, filwaqt li dawk li intervjenew mis-settur privat esprimew it-tħassib dwar l-emendar tal-kategoriji ta’ armi tan-nar u dwar l-impatt ta’ dan fuq l-intrapriżi ż-żgħar u medji.

2.7

Il-partijiet interessati kkonsultati mill-Kummissjoni huma tal-fehma li l-irkupru ta’ armi tan-nar diżattivati huwa sors importanti ta’ armi li jintużaw għal skopijiet kriminali, u għalhekk għandha tingħata prijorità biex ir-regoli dwar id-diżattivar biex tiġi miġġielda din il-prattika jiġu armonizzati.

2.8

Il-ħtieġa li l-informazzjoni tiġi skambjata bejn l-Istati Membri, li ssir armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet u li jiġu definiti standards minimi għal-linji gwida għad-diżattivar tal-armi huma punti ta’ konverġenza tal-partijiet interessati kkonsultati.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

Il-ġrajjiet traġiċi ta’ dan l-aħħar wasslu sabiex jiġi aċċellerat id-dibattitu dwar il-kummerċ u l-użu tal-armi. Minkejja li s-sigurtà taċ-ċittadini – li qiegħda tiġi mhedda dejjem aktar mit-terroriżmu – ma għandhiex tiġi konfuża mal-pussess tal-armi – jinħtieġ li tiġi miġġielda b’konvinzjoni l-possibbiltà li jinkisbu b’mod faċli armi tan-nar li qegħdin jispiċċaw f’idejn gruppi radikali, f’idejn il-kriminalità organizzata u f’idejn individwi disturbati b’motivazzjoni li diffiċli wieħed jifhimha, li mbagħad jużaw dawn l-armi tan-nar biex iwettqu reati barbari. Lanqas ma nistgħu ninsew il-kriminalità inġenerali, is-suwiċidji u l-inċidenti bl-armi tan-nar.

3.1

Il-kjarifiki li issa ġew proposti jtejbu b’mod sinifikanti d-Direttiva preċedenti u għaldaqstant huma approvati mill-KESE. Dawn il-proposti m’għandhomx l-għan li jipprojbixxu l-armi tan-nar iżda li jarmonizzaw l-istandards applikati fir-rigward tal-akkwist u l-pussess tal-armi, tul iċ-ċiklu ta’ ħajja kollu tagħhom, bil-għan li s-suq jiġi rregolat u tiġi garantita s-sigurtà.

Madankollu, il-KESE, wara li kkonsulta l-partijiet interessati, jiġifieri l-forzi tal-pulizija, ir-rappreżentanti tal-industrija, il-kummerċjanti, l-utenti, il-kollezzjonisti u l-NGOs li jaħdmu fil-qasam tas-sigurtà taċ-ċittadini, huwa tal-fehma li għandu jkun hemm iktar ambizzjoni fil-leġislazzjoni rigward il-problemi ta’ sigurtà li għadhom jeżistu. Il-Kummissjoni ma għandhiex tilleġisla biss bħala tweġiba immedjata għall-ġrajjiet terroristiċi reċenti, iżda għandha tagħmel dan bil-għan li tissolva l-kwistjoni tas-sigurtà tal-armi tan-nar legali.

3.2

Saru studji differenti dwar il-kontroll tal-armi. Filwaqt li xi wħud jindikaw li r-restrizzjoni tal-armi tnaqqas il-vjolenza (4), l-inċidenti (5) u s-suwiċidji (6), oħrajn jaffermaw li jekk iċ-ċittadini b’kondotta tajba jew problemi mentali jiġu awtorizzati jżommu l-armi, dan inaqqas il-kriminalità vjolenti, mingħajr ma madankollu jkun hemm żieda sinifikanti fis-suwiċidji jew l-inċidenti (7).

3.2.1

Il-każ Awstraljan huwa paradigmatiku fil-kontroll tal-armi. Wara li raġel b’żewġ armi tan-nar daħal f’kafetterija u qatel 35 persuna u darab 23 persuna oħra, l-Awstralja bdiet, fl-1997, riforma kbira fir-regoli dwar l-użu u l-pussess tal-armi tan-nar, b’effetti viżibbli fit-tnaqqis tal-imwiet li kien ġej mill-użu ta’ armi tan-nar. Ipprojbixxiet ċerti tipi ta’ armi, daħħlet l-obbligu li wieħed ikollu raġuni leġittima għala jkollu arma tan-nar fil-pussess tiegħu (li ma tistax tkun sempliċiment awtodifiża) u ffinanzjat programm ta’ xiri ta’ armi min-naħa tal-Istat. Din l-inizjattiva neħħiet miċ-ċirkolazzjoni kważi 700 000 arma u, flimkien ma’ restrizzjonijiet ġodda, naqqset b’mod drammatiku r-rata ta’ omiċidji li fihom intużaw armi tan-nar (8).

3.2.2

Il-programm Awstraljan ta’ xiri tal-armi huwa bbażat fuq l-idea li d-disponibbiltà kbira tal-armi tippermetti aktar faċilment li l-impuls assassin ta’ individwu jinbidel f’wieħed ta’ qtil tal-massa.

3.2.3

Bħall-Awstralja u wara l-qtil ta’ 15-il persuna fi sparar bl-addoċċ fejn indarbu wkoll 15-il persuna oħra, ir-Renju Unit ukoll ipprojbixxa l-użu ta’ ċerti tipi ta’ armi, introduċa r-reġistrazzjoni obbligatorja għas-sidien u ffinanzja programm ta’ xiri ta’ armi. Dawn il-miżuri ma kellhomx l-istess effett bħall-programm Awstraljan fuq in-numru ta’ mwiet mill-armi tan-nar (9).

3.2.4

L-aħħar studju kbir imwettaq dwar il-kontroll tal-armi, ippubblikat fi Frar 2016, analizza 130 studju ieħor li saru f’10 pajjiżi differenti, bejn l-1950 u l-2014 (10). L-awturi jqisu li, minkejja li ma ntweriex li l-liġijiet restrittivi jnaqqsu l-vjolenza, id-data tissuġġerixxi li, f’ċerti pajjiżi, l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni li għandha l-għan li tnaqqas l-aċċess għat-tipi differenti ta’ armi hija assoċjata mat-tnaqqis ta’ numru ta’ mwiet bl-armi tan-nar. L-applikazzjoni tal-liġijiet li jillimitaw il-kondizzjonijiet dwar l-akkwist tal-armi tan-nar (pereżempju l-verifika tal-preċedenti personali) jew l-aċċess għall-armi (partikolarment il-ħażna) hija wkoll marbuta ma’ tnaqqis, rispettivament, tar-reati ta’ passjoni u tal-imwiet aċċidentali tat-tfal.

3.3

Billi jikkunsidra dawn l-eżempji u dawn l-istudji, il-KESE jemmen li jeħtieġ li jiġu osservati regoli stretti għall-akkwist tal-liċenzja għall-użu u l-ġarr ta’ armi, l-akkwist tal-armi u l-munizzjon, għall-projbizzjoni u d-diżattivar ta’ ċerti tipi ta’ armi kif ukoll fir-rigward tal-programm ta’ xiri ta’ armi min-naħa tal-Istati Membri bil-għan li dawn jinqerdu.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

L-inizjattiva tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Direttiva hija l-iżjed forma adatta, peress li huwa dubjuż jekk l-Istati Membri hux ser ikunu lesti jaċċettaw regolament.

4.2

Id-Direttiva fis-seħħ tibdel diversi artikoli tad-Direttiva preċedenti, billi tiċċara u ddaħħal fis-seħħ rekwiżiti ġodda li jtejbu b’mod sinifikanti l-liġi preċedenti, u għaldaqstant, tintlaqa’ b’sodisfazzjon mill-KESE.

4.3

Il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta’ eżamijiet mediċi obbligatorji. li jkunu ta’ kwalità tajba u jinvolvu rekwiżiti Ewropej minimi, li jevalwaw is-saħħa fiżika u mentali għall-ħruġ jew għat-tiġdid ta’ permessi għall-użu u l-ġarr ta’ arma, prattika li diġà ġiet adottata f’xi Stati Membri. Madankollu, josserva, li d-Direttiva tista’ wkoll tesiġi taħriġ regolari għall-immaniġġjar tal-armi tan-nar u tipprevedi esiġenzi għall-ħażna sigura tagħhom (billi jsir obbligu li l-armi jinħażnu f’armarju speċjali, kif diġà qed jiġri f’ċerti Stati Membri) u t-trasport sigur tal-armi u tal-komponenti tagħhom.

4.4

L-Unjoni Ewropea kienet kapaċi tilleġisla fuq ħafna u ħafna kwistjonijiet. Huwa paradigmatiku l-każ tal-industrija tal-karozzi li ġiet imġiegħla tissodisfa r-rekwiżiti għas-sikurezza (tal-okkupanti u tal-ambjent) b’investimenti kbar fir-riċerka u fl-iżvilupp. Il-kunċetti rigward l-immarkar tal-armi u tal-komponenti tagħhom huma estiżi wkoll. Il-KESE jissuġġerixxi li, fuq perjodu medju u twil ta’ żmien, jista’ jsir pass ieħor ‘il quddiem fl-immarkar tal-balal, u tiġi studjata l-possibbiltà li l-industrija tiġi inkoraġġita tagħmel marka li ma titħassarx f’post li ma jinqeridx bl-użu, pereżempju fil-ġewwieni tal-balla u b’hekk tippermetti t-traċċabbiltà sħiħa tagħha. Normalment, fuq il-post tar-reat tibqa’ l-balla u mhux l-arma u din il-marka tista’ tkun sors importanti ta’ informazzjoni fl-investigazzjoni tal-pulizija.

4.5

Fir-rigward tal-bażijiet tad-data dwar l-armi tan-nar, il-KESE jappoġġja l-formulazzjoni l-ġdida li testendi l-ambitu tar-rekords sal-qerda tal-arma tan-nar. Dan huwa ta’ vantaġġ u għodda importanti fil-monitoraġġ u fl-investigazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja lill-awtoritajiet billi tħeġġeġ sabiex dawn ir-rekords ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha u f’ħin reali, biex b’hekk tiffaċilita l-ksib tal-evidenza u tippermetti l-iskambju ta’ malajr u effiċjenti ta’ tagħrif ewlieni ta’ data li jgħin fl-identifikazzjoni u fl-intraċċar ta’ armi tan-nar.

4.6

Inklużi wkoll fil-kategorija ta’ armi pprojbiti, hemm is-semiawtomatiċi għall-użu ċivili, “li jixbhu lill-armi b’mekkaniżmi awtomatiċi”. Il-kunċett ta’ “xebh” ma jidhirx li huwa objettiv biżżejjed, u qabel xejn għandu jiġi definit, bi kriterji ċari, x’jiġifieri “li jixbhu” qabel ma dawn l-armi jiġu inklużi fil-kategorija ta’ armi tan-nar ipprojbiti.

4.7

Issa għandu jiġi kkunsidrat ukoll jekk l-armi tal-allarm u tas-sinjal, armi tas-salut u armi akustiċi, u r-repliki għandhomx jiġu inklużi fil-Kategorija C (armi tan-nar soġġetti għal dikjarazzjoni). Kif diġà antiċipat f’ċerti leġislazzjonijiet nazzjonali, il-KESE stess għandu dubji dwar ir-rilevanza ta’ din l-inklużjoni peress li, minħabba l-fatt li mhumiex imniżżla bħala “arma tan-nar” fil-Protokoll tan-NU, u fil-każ fejn tali leġislazzjoni ma tkunx għadha ddeterminat id-dikjarazzjoni obbligatorja, din tkun tinvolvi spejjeż amministrattivi konsiderevoli, għal tip ta’ arma li r-riskju għas-sigurtà pubblika tagħha ma jidhirx li jkun wisq kbir.

4.8

Ir-riskji għas-sigurtà taċ-ċittadini maħluqa minn dawn l-armi u oħrajn, pereżempju armi ta’ arja kkumpressata, għandhom ikunu s-suġġett ta’ studju li jevalwa l-periklu tal-istess arma u l-possibbiltajiet tat- trasformazzjoni tagħha f’armi ta’ kapaċità letali ikbar. Dan l-istudju jista’ jservi ta’ bażi għall-impożizzjoni ta’ regoli tekniċi u legali ġodda dwar is-sigurtà, it-trasformazzjoni, it-trasformazjzoni, id-diżattivar u l-qerda ta’ armi.

4.9

F’soċjetà diġitali huwa meħtieġ li wieħed iħares lejn il-perikli tal-kummerċ elettroniku fuq it-tranżazzjonijiet ta’ armi u munizzjon. Facebook jew Instagram ħabbru restrizzjonijiet fuq il-bejgħ ta’ armi fin-netwerks soċjali tagħhom, fejn huma jipprojbixxu lill-utenti tagħhom milli jirreklamaw jew jikkombinaw bejgħ ta’ armi permezz ta’ pubblikazzjonijiet, ta’ gruppi ta’ diskussjoni jew ta’ messaġġi privati. Il-KESE jemmen li, minkejja li huwa previst li l-kummerċ elettroniku ta’ xi tipi ta’ armi huwa permess għan-negozjanti jew is-sensara, it-transazzjoni għandha tkun permessibbli biss b’xhieda ta’ ħaddieħor, b’hekk jiġi żgurat kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti.

4.10

L-innovazzjoni teknoloġika wasslet għall-iżvilupp tal-printers 3D. L-armi ma kinux l-għan ta’ din it-teknoloġija, madankollu malajr dehru struzzjonijiet u programmi fuq l-Internet biex jippermettu l-istampar ta’ armi b’kapaċità letali. Għalhekk, mingħajr xi tip ta’ leġislazzjoni li tirregola l-istampar tal-armi, din it-teknoloġija tikkostitwixxi theddida reali li għalissa għadha ma ngħatatx l-importanza meħtieġa. Il-pajjiżi għandhom jingħaqdu flimkien biex jiddiskutu din il-kwistjoni, jissorveljaw l-Internet jew saħansitra l-kontroll tax-xiri tal-materjal li jintuża għall-produzzjoni ta’ armi bħal dawn u jikkunsidraw bis-serjetà li jipprojbixxu l-produzzjoni tagħhom.

4.11

Id-direttiva tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-korpi kkonċernati bl-aspetti kulturali u storiċi tal-armi u rikonoxxuti bħala tali mill-Istat Membru li jistgħu jżommu fil-pussess tagħhom armi tan-nar ikklassifikati fil-Kategorija A mixtrija qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva, diment li dawn ikunu ġew diżattivati. Il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti speċjali biex id-direttiva tiġi applikata fil-każ ta’ kollezzjonijiet fil-mużewijiet li l-attivitajiet tagħhom huma rikonoxxuti bħala importanti għall-Istati Membri, bil-kundizzjoni li s-sigurtà u l-ordni pubblika ma jiġux ipperikolati. Tali arranġamenti jkunu jesiġu regoli stretti dwar il-wiri, ir-reġistrazzjoni, il-ħażna u l-immaniġġjar tal-armi, iżda jevitaw il-qerda tal-armi tal-Kategorija A b’valur storiku importanti.

Brussell, is-27 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità, Study on Firearms 2015 – A Study on the transnational nature of and routes and modus operandi used in trafficking in firearms.

(2)  Id-Direttiva 91/477/KEE: ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51 (Edizzjoni speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 011 p. 3 – 10); Opinjoni tal-KESE: ĠU C 35, 8.2.1988, p. 25 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Id-Direttiva 2008/51/KE: ĠU L 179, 8.7.2008, p. 5; Opinjoni tal-KESE: ĠU C 318, 23.12.2006, p. 83 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Hepburn, Lisa; Hemenway, David. Firearm availability and homicide: A review of the literature; Aggression and Violent Behavior: A Review Journal, 2004; 9:417-40, kwotazzjoni ta’ Harvard T.H. Chan School of Public Health: http://www.hsph.harvard.edu/hicrc/firearms-research/guns-and-death/

(5)  Miller, Matthew; Azrael, Deborah; Hemenway, David. Firearm availability and unintentional firearm deaths; Accident Analysis and Prevention, 2001; 33:477-84, kwotazzjoni ta’ Harvard T.H. Chan School of Public Health: http://www.hsph.harvard.edu/hicrc/firearms-research/gun-threats-and-self-defense-gun-use/

(6)  Miller, Matthew; Hemenway, David. Gun prevalence and the risk of suicide: A review; Harvard Health Policy Review, 2001; 2:29-37, kwotazzjoni ta’ Harvard T.H. Chan School of Public Health: http://www.hsph.harvard.edu/hicrc/firearms-research/gun-ownership-and-use/

(7)  John R. Lott., Jr. u David B. Mustard, Crime, Deterrence, and Right-to-Carry Concealed Hand Guns, Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Chicago, Mejju 1998.

(8)  Alpers, Philip, Amélie Rossetti u Marcus Wilson, Guns in Awstralja: Total Number of Gun Deaths, 2016, Sydney School of Public Health, l-Università ta’ Sydney, GunPolicy.org, 7 ta’ Marzu, ikkonsultat fl-10 ta’ Marzu 2016: http://www.gunpolicy.org/firearms/compareyears/192/total_number_of_gun_deaths

(9)  Alpers, Philip, Amélie Rossetti u Marcus Wilson, Guns in the United Kingdom: Total Number of Gun Deaths, 2016, Sydney School of Public Health, l-Università ta’ Sydney, GunPolicy.org, 23 ta’ Frar, ikkonsultat fl-10 ta’ Marzu 2016: http://www.gunpolicy.org/firearms/compareyears/192/total_number_of_gun_deaths

(10)  Julian Santaella-Tenorio, Magdalena Cerdá, Andrés Villaveces, u Sandro Galea, What Do We Know About the Association Between Firearm Legislation and Firearm-Related Injuries?, ippubblikat mill-Oxford University Press mill-Johns Hopkins Bloomberg School of Public Health.


20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/82


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (kodifikazzjoni)”

(COM(2015) 616 final — 2015/0283 (COD))

(2016/C 264/10)

Relatur:

Jorge PEGADO LIZ

Korelaturi:

Roger BARKER u Christophe LEFÈVRE

Nhar id-29 ta’ April 2016, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 50(1) u (2)(g) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (kodifikazzjoni)”

(COM(2015) 616 final — 2015/0283 (COD)).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’223 vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġa bis-sħiħ l-eżerċizzju ta’ konsolidament, ta’ kodifikazzjoni u għalhekk ta’ semplifikazzjoni tat-test tal-proposta dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (COM(2015) 616 final), li hija konformi ma’ dak li ssuġġerixxa għal diversi drabi fl-opinjonijiet tiegħu.

1.2

Wara li eżamina fid-dettall kull test ikkonsolidat u kull proposta għal testi ġodda kodifikati, il-KESE jista’ jiżgura, li minbarra d-dettalji msemmija fil-paragrafu 4.2, ma sab l-ebda żball formali.

1.3

Il-KESE jirrakkomanda li t-tabella ta’ konkordanza li tinsab fl-Anness IV tiġi elaborata b’żewġ entrati li jippermettu li jitqabblu wkoll l-artikoli l-ġodda ma’ dawk preċedenti, u mhux biss dawk preċedenti fil-konfront tal-ġodda.

1.4

Il-KESE barra minn hekk xtaq eżerċizzju iktar ambizzjuż, li jipprevedi li jikkodifika aspetti li għadhom mifruxa fi strumenti leġislattivi oħra, b’mod partikolari dawk li ssir referenza għalihom fid-direttivi elenkati fil-paragrafu 4.4.

1.5

Fil-mument tar-reviżjoni sostanzjali tat-test il-ġdid, il-Kumitat xtaq li l-proposti li ħarġu mas-snin, fir-rigward ta’ kull direttiva li hija s-suġġett tal-eżerċizzju tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fl-opinjonijiet ikkwotati fil-paragrafu 4.8, jitqiesu kif xieraq.

2.   L-għan u l-iskop tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni (COM(2015) 616 final tat-3 ta’ Diċembru 2015) wieħed jista’ jaqra:

“L-għan ta’ din il-proposta huwa li ssir il-kodifikazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpaniji b’responsabbilta pubblika limitata (82/891/KEE), tal-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-ħtiġiet tal-iżvelar rigward il-fergħat miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpaniji rregolati bil-liġijiet ta’ Stat ieħor (89/666/KEE), tad-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata, tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti, tad-Direttiva 2011/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-mergers ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, tad-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u ta’ oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti”.

2.2

Fir-rigward tal-kodifikazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li “[r]-Regolament il-ġdid jissostitwixxi d-diversi atti inkorporati fih; din il-proposta żżomm il-kontenut kollu tal-atti li qed jiġu kkodifikati u għalhekk kulma tagħmel huwa li tgħaqqadhom filwaqt li tagħmel biss l-emendi formali meħtieġa mill-eżerċizzju ta’ kodifikazzjoni nnifsu”, li ma jxekkilx il-fatt li din il-kodifikazzjoni ma ssirx “f’konformità sħiħa mal-proċedura normali għall-adozzjoni ta’ atti tal-Unjoni”. Din il-konstatazzjoni tiġġustifika l-Opinjoni tal-KESE, għalkemm tirrigwarda “proċedura mgħaġġla għall-adozzjoni rapida ta’ atti ta’ kodifikazzjoni” bħalma jipprevedi “il-ftehim interistituzzjonali 20 ta’ Diċembru 1994” bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li għadu fis-seħħ u ġie infurzat mill-aħħar ftehim interistituzzjonali konkluż bejn dawn l-istess istituzzjonijiet (1).

2.3

Fil-fatt, l-iskop segwit b’dan l-eżerċizzju ta’ tfassil, ta’ sistematizzazzjoni u ta’ kodifikazzjoni tal-liġi Ewropea dwar il-kumpaniji huwa li l-istandards tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw dan il-qasam tal-liġi, isiru iktar sempliċi għall-interpretazzjoni, it-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni.

2.4

F’numru kbir ta’ opinjonijiet tiegħu, il-KESE ssuġġerixxa, irrakkomanda u talab li l-isforzi tal-leġislatur Ewropew imorru f’dan is-sens, sforzi li dejjem appoġġa. Il-KESE għalhekk jista’ biss jaqbel għalkollox mal-eżerċizzju mniedi mill-Kummissjoni f’din il-proposta, b’mod partikolari għax jirrigwarda qasam fejn is-semplifikazzjoni hija ta’ benefiċċju għal kulħadd: l-impriżi, il-ħaddiema, il-konsumaturi u ċ-ċittadini inġenerali, iżda wkoll, u b’mod partikolari, għall-maġistrati, l-avukati, in-nutara, u b’mod ġenerali l-professjonisti kollha li jaħdmu fl-applikazzjoni tal-liġi dwar il-kumpaniji.

3.   L-oriġini u l-iżvilupp tal-liġi dwar il-kumpaniji fl-Unjoni Ewropea

3.1

Fit-Trattat oriġinali ta’ Ruma 1957, fundatur tal-KEE, wieħed isib bażijiet ġuridiċi ta’ liġi dwar il-kumpaniji fi stadju embrijonali, li huma limitati għall-Artikolu 48 sa 66 KEE. L-idea ta’ approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji tidher biss mat-Trattat iffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992, b’mod partikolari fl-abbozzar il-ġdid tal-Artikoli 94 sa 97 (li oriġinaw mill-Att Uniku Ewropew) dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali bl-għan tal-iżvilupp tas-suq uniku, kif ukoll fl-abbozzar il-ġdid tal-Artikoli 39 KE sa 55 KE (li jissostitwixxu l-Artikoli 48 KEE sa 66 KEE preċedenti).

3.2

Huwa għalhekk li, mill-ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta’ Marzu 1968, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8), għexieren ta’ direttivi, regolamenti u rakkomandazzjonijiet ppruvaw “jirregolaw” ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji fl-Ewropa li jaqgħu taħt l-iżvilupp ta’ suq uniku, kemm bl-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali, kif ukoll bit-tentattivi ta’ armonizzazzjoni ta’ dawn il-liġijiet, iżda mingħajr qatt ma kien intiż li jiġi żviluppat “kodiċi unifikat” ġenwin tal-liġijiet dwar il-kumpaniji fl-Ewropa.

3.3

L-eżerċizzju li timpenja ruħha bih il-Kummissjoni b’din il-proposta lanqas m’għandu l-ambizzjoni li jikkodifika d-direttivi kollha li huma marbuta mal-aspetti differenti tal-liġi dwar il-kumpaniji. Fil-fatt, dan imiss biss l-aspetti li huma s-suġġett tas-sitt direttivi li ġejjin:

is-sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpanniji b’responsabbilta pubblika limitata (82/891/KEE);

il-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar ħtiġiet tal-iżvelar rigward il-friegħi miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpanniji rregolati bil-liġijiet ta’ Stat ieħor (89/666/KEE);

id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata;

id-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri tal-kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti;

id-Direttiva 2011/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-mergers ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata;

id-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti.

3.4

Dan l-eżerċizzju ġie kkompletat fuq il-bażi ta’ konsolidazzjoni preliminari tat-test, fit-23 lingwa uffiċjali, tad-Direttivi 82/891/KEE, 89/666/KEE, 2005/56/KE, 2009/101/KE, 2011/35/UE u 2012/30/UE u tal-atti li jemendawhom, fejn il-korrelazzjoni bejn in-numerazzjoni preċedenti u l-ġdida tidher f’tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness IV tad-direttiva futura.

4.   Evalwazzjoni tal-proposta

4.1

Kif indikat iktar ‘il fuq, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-eżerċizzju ta’ konsolidament, ta’ kodifikazzjoni u għalhekk ta’ semplifikazzjoni tat-test li jirriżulta minn din il-ħidma.

4.2

Wara li eżamina fid-dettall kull test ikkonsolidat u kull proposta għal testi ġodda kkonsolidati, il-KESE jista’ jiżgura, li minbarra r-rimarki li ġejjin, ma sab l-ebda żball formali.

fir-rigward tal-verżjoni Franċiża, il-kodifikazzjoni tal-premessa 3 tad-Direttiva 2005/56/KE tindika “préciser”minflok “prévoir”; [NT: dan l-iżball ma jirrigwardax il-verżjoni Maltija tal-proposta għal Direttiva];

il-paragrafu 2 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/666/KEE ma ġiex kkodifikat fil-proposta għal direttiva.

fil-premessi 48, 62, 65, 66 u 80, il-Kummissjoni għandha tikkonferma jekk ir-referenzi għal ċerti testi leġislattivi jikkorrispondux fil-fatt għall-aħħar miżuri meħuda fl-oqsma rispettivi tagħhom (pereżempju, fil-premessa 48 ir-referenza għad-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq għandha tiġi aġġornata b’referenza għar-Regolament dwar l-abbuż tas-suq (ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE);

it-titolu tal-kapitolu III għandu jispeċifika li l-pubbliċità kkonċernata ssir għall-benefiċċju tal-protezzjoni tal-partijiet terzi; jekk, bil-kontra, il-pubbliċità tibbenefika bl-istess mod lill-azzjonisti, il-paragrafu (f) tal-artikolu 13 m’għandux isemmi wkoll id-direttivi 2013/24/UE u 2014/95/UE?

4.3

Il-KESE jirrakkomanda li t-tabella ta’ konkordanza li tinsab fl-Anness IV tiġi elaborata b’żewġ entrati li jippermettu li jitqabblu wkoll l-artikoli l-ġodda ma’ dawk preċedenti, u mhux biss dawk preċedenti fil-konfront tal-ġodda.

4.4

Il-KESE barra minn hekk xtaq eżerċizzju iktar ambizzjuż, li jipprevedi li jikkodifika aspetti li għadhom mifruxa fi strumenti leġislattivi oħra, b’mod partikolari dawk li ssir referenza għalihom fid-direttivi li ġejjin:

id-Direttiva 2010/76/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja tal-politiki dwar ir-rimunerazzjoni;

id-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta’ kumpanniji kkwotati;

id-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri;

id-Direttiva 2001/86/KE tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema;

id-Direttiva 2009/102/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 rigward il-liġijiet tal-kumpanniji dwar il-kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbiltà limitata;

it-tmien Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE tal-10 ta’ April 1984 bażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat KEE dwar l-approvazzjoni ta’ persuni responsabbli biex iwettqu l-verifiki statutorji ta’ dokumenti dwar kontijiet;

is-seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati;

ir-raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji;

4.5

Fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2015, (COM(2014) 910 final), Anness III, paragrafu 45, il-Kummissjoni madankollu kienet ħabbret il-kodifikazzjoni tad-Direttiva 2009/102/KE rigward il-liġi tal-kumpanniji dwar il-kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbiltà limitata.

4.6

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat ċerti rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ ħidma li jindirizzaw is-semplifikazzjoni tal-liġi dwar il-kumpaniji fil-kuntest tal-inizjattiva SLIM dwar is-semplifikazzjoni tal-ewwel u t-tieni direttiva fil-qasam tal-liġi dwar il-kumpaniji, fid-Direttivi 2003/58/KE u 2006/68/KE.

4.7

Fir-rigward ta’ kull direttiva li hija s-suġġett tal-eżerċizzju tal-Kummissjoni, il-KESE kellu l-okkażjoni li joħroġ opinjonijiet li mhux dejjem tqiesu fl-intier tagħhom; xtaq ukoll li l-Kummissjoni tqis kif xieraq, fil-mument ta’ reviżjoni sostanzjali tat-test il-ġdid, proposti li l-Kumitat diġà għamel mas-snin, u li ma ġewx indirizzati fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju.

4.8

Dawn l-opinjonijiet huma b’mod partikolari:

tal-24 ta’ Settembru 1987, ĠU C 319, 30.11.1987, p. 61, relatur: is-Sur Jean PARDON (mhux disponibbli bil-Malti);

tat-28 ta’ April 2004, ĠU C 117, 30.4.2004, p. 43, relatur: is-Sinjura María CANDELAS SÁNCHEZ Miguel (mhux disponibbli bil-Malti);

tat-30 ta’ Mejju 2007, ĠU C 175, 27.7.2007, p. 33, relatur: is-Sinjura María CANDELAS SÁNCHEZ Miguel;

tal-25 ta’ Frar 2009, ĠU C 218, 11.9.2009, p. 27, relatur: is-Sinjura María CANDELAS SÁNCHEZ Miguel;

tal-15 ta’ Ġunju 2011, ĠU C 248, 25.8.2011, p. 118, relatur: is-Sur Miklós PÁSZTOR;

tat-12 ta’ Diċembru 2012, ĠU C 44, 15.2.2013, p. 68, relatur: is-Sinjura Lena ROUSSENOVA.

Brussell, is-27 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-%2f%2fEP%2f%2fNONSGML%2bCOMPARL%2bPE-575.118%2b03%2bDOC%2bPDF%2bV0%2f%2fEN.


20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/86


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fis-suq intern”

(COM(2015) 627 final — 2015/0284 (COD))

(2016/C 264/11)

Relatur:

is-Sur Bernardo Hernández BATALLER

Nhar it-8 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill, u nhar il-21 ta’ Jannar 2016, il-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fis-suq intern”

[COM(2015) 627 final — 2015/0284 (COD)].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’162 vot favur, 6 voti kontra u astensjoni 1 (waħda).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tindirizza dik li tissejjaħ “portabbiltà transkonfinali”. Bażikament, il-portabbilità transkonfinali tippermetti lill-utenti u l-konsumaturi tas-servizzi tal-kontenut awdjoviżiv onlajn li jistgħu jaċċessaw legalment fl-Istat ta’ residenza tagħhom, ikomplu jibbenefikaw minn tali servizzi meta jiċċaqalqu temporanjament fi Stat Membru ieħor tal-UE.

1.2

Il-Kumitat jaqbel ukoll mal-fatt li jintuża Regolament biex jirregola l-portabbiltà, peress li din hija attività transkonfinali. Jidher raġonevoli wkoll li tiġi stabbilita vacatio legis skont liema titqies l-inapplikabbiltà tal-klawżoli restrittivi għall-portabbiltà fil-kuntratti eżistenti. F’dan ir-rigward, jitqies li sitt xhur huwa perjodu raġonevoli sabiex il-fornituri tas-servizzi milquta jkunu jistgħu jadattaw is-sistemi ta’ provvista tagħhom skont is-sitwazzjoni l-ġdida.

1.3

Il-KESE jikkunsidra li l-kunċett ta’ “Stat Membru ta’ residenza” tal-abbonat għandu jiġi stabbilit b’mod ċar, b’tali mod li l-bqija tal-Istati Membri tal-UE għandhom jiġu kkunsidrati awtomatikament bħala Stati li wieħed jista’ jgħix fihom b’mod temporanju. Is-sempliċi referenza għar-residenza abitwali pprovduta fl-Artikolu 2 tista’ ma tkunx biżżejjed, u għalhekk ikun meħtieġ li jiġu evalwati kriterji oħra ta’ status temporanju, l-ambjent li jgħixu fih, eċċ, billi tiġi pprovduta lista mhux eżawrjenti ta’ indikaturi sabiex tiġi ddeterminata l-konnessjoni temporanja bbażata fuq ir-residenza. Fi kwalunkwe każ, il-Kumitat iqis li meta jkun hemm l-istatus ta’ klijent, membru jew abbonat għal servizz, u l-utent jidher li jkun marbut ma’ Stat Membru u identifikat permezz tal-indirizz tal-IP tiegħu, il-konnessjoni tal-Internet tiegħu jew indikatur ekwivalenti ieħor, dan għandu jiżgura l-portabbiltà transkonfinali.

1.4

Fir-rigward tan-natura u l-kundizzjonijiet tas-servizzi portabbli, huwa ċar li l-proposta tkopri dawn is-servizzi kemm jekk ikunu bi ħlas kif ukoll mingħajr ħlas, għalkemm f’dan l-aħħar każ, sakemm l-Istat Membru jkun “verifikat”. B’mod partikolari fir-rigward tas-servizzi b’xejn, il-KESE jemmen li l-portabbiltà ta’ dawn is-servizzi għandha tiġi ggarantita meta l-Istat Membru jkun “verifikabbli”, jiġifieri jista’ jkun verifikat sakemm dan ma jinvolvix spejjeż żejda għall-fornitur.

1.5

Fil-parti operattiva għandu jiġi inkluż b’mod espliċitu li kwalunkwe tnaqqis jew degradazzjoni tal-provvista li taffettwa l-prestazzjonijiet, ir-repertorju, l-aċċessibbiltà tal-apparat u n-numru ta’ utenti ser titqies bħala inadempjenza tas-servizz. Barra minn hekk, għandha tiġi ggarantita wkoll kwalità minima ta’ aċċess, mill-inqas, dik li tista’ titqies bħala standard jew ta’ referenza fl-Istat Membru ta’ residenza disponibbli permezz tal-linji lokali, sabiex ma jiġux promossi prattiki u kundizzjonijiet abbużivi ta’ ħlasijiet addizzjonali f’aċċess simili jew ta’ klassi “Primjum” garantita. Ma jistax jitqies suffiċjenti s-sempliċi fatt li l-utent jiġi infurmat dwar il-livell ta’ kwalità li huwa mistenni. Dawn l-obbligi għandhom jissemmew b’mod espliċitu fid-dispożizzjonijiet legali u mhux biss fil-premessi tar-Regolament.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fost il-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni Ewropea tal-15 ta’ Lulju 2014 kien hemm bħala prijorità Nru 2 il-ħolqien ta’ “Suq uniku diġitali konness”, li fuq il-bażi tagħha ġiet adottata l-Komunikazzjoni “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (1). Il-KESE ħa deċiżjoni dwar din il-prijorità (2) billi appoġġjaha, meta wieħed iqis li din tista’ tagħti impetu ġdid lil politika diġitali fl-Unjoni Ewropea.

2.2

Speċifikament, il-Kummissjoni pproponiet “il-prevenzjoni ta’ blokok ġeografiċi mhux ġustifikati”, sabiex il-konsumaturi u n-negozji jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mis-suq uniku f’termini ta’ għażla u prezzijiet aktar baxxi.

2.3

Il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) reċentement approva aġġornament tal-linji gwida ta’ din l-organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi (DNUPC), sabiex dawn jiġu aġġornati fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi reċenti, inkluż il-kummerċ elettroniku u l-hekk imsejjaħ “konsum diġitali” fejn għandha tissaħħaħ il-protezzjoni tal-privatezza onlajn u jiġi inkluż il-prinċipju konsistenti fejn il-konsumaturi jistħoqqilhom li jkunu protetti bl-istess mod.

2.4

Fl-iżvilupp tal-istrateġija indikata għas-suq uniku diġitali, il-Kummissjoni adottat ukoll Komunikazzjoni relatata mal-modernizzazzjoni tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u dwar il-kuntratti ta’ bejgħ onlajn u l-forniment ta’ kontenut onlajn, li l-KESE se jiddiskutihom aktar ‘il quddiem.

2.5

F’dan il-kuntest hija inkluża wkoll il-proposta għal Regolament dwar l-hekk imsejħa “portabbiltà transkonfinali”, li tikkonsisti fil-possibbiltà li l-fornitur ta’ servizz ta’ kontenut onlajn fi Stat partikolari tal-UE jkun jista’ jkollu aċċess għal dan il-kontenut meta jivvjaġġa temporanjament lejn Stat Membru ieħor. Din il-portabbiltà hija kkunsidrata bħala pass importanti lejn aċċess usa’ għall-kontenut awdjoviżiv mill-utenti, li l-Kummissjoni tqis bħala objettiv ewlieni għall-iżvilupp tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali.

2.6

Id-diffikultajiet, jew l-impossibbiltà, li jiffaċċjaw bħalissa ċ-ċittadini Ewropej abbonati għal dawn it-tipi ta’ servizzi sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jaċċessawhom barra minn pajjiżhom, anki fi ħdan l-UE, mhumiex dovuti għal raġunijiet teknoloġiċi, iżda għal raġunijiet oħra: dan huwa mblukkar ġeografiku derivat mill-prattiki ta’ għoti ta’ liċenzji lid-detenturi ta’ drittijiet jew mill-prattiki kummerċjali tal-fornituri tas-servizzi. L-ispejjeż għoljin marbutin mar-roaming li kienu jġarrbu l-konsumaturi u l-utenti Ewropej ukoll marru kontra din il-portabbiltà transkonfinali u daqt jaslu fi tmiemhom permezz tal-proposta adottata mill-Kummissjoni.

3.   Il-kontenut tal-proposta

3.1

L-għan ewlieni tal-proposta għal Regolament, kif stipulat fl-Artikolu 1 tat-test sottomess għal osservazzjonijiet, huwa li tiġi żgurata l-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fis-suq intern. Dan ifisser li, kwalunkwe utent tal-Unjoni li jirċievi dawn il-kontenuti b’mod legali fil-pajjiż tar-residenza tiegħu jista’ jkollu aċċess għalihom anke meta jkun jinstab temporanjament fi Stat Membru ieħor.

3.2

L-Artikolu 2 jinkludi definizzjonijiet differenti dwar in-natura tas-servizz u l-atturi involuti: “abbonat”, “konsumatur”, “Stat Membru tar-residenza”, “temporanjament preżenti”, “servizz ta’ kontenut onlajn”, “portabbli”. Fir-rigward tas-servizzi tal-kontenut onlajn, jiġi speċifikat li dawn jistgħu jkunu servizzi tal-midja awdjoviżiva jew servizzi li jippermettu l-aċċess għal xogħlijiet jew materjal protett ieħor, jew trażmissjonijiet ta’ xandara. Dawn is-servizzi jistgħu jiġu pprovduti b’mod lineari jew fuq talba, bi ħlas jew mingħajr ħlas mill-utent.

3.3

L-Artikolu 3 tal-proposta jindika li l-obbligu tal-fornituri ta’ servizz portabbli li jippermettu din il-portabbiltà fi Stati oħra ma jimplikax li jridu jżommu l-istess standards ta’ kwalità mogħtija fl-Istat Membru ta’ residenza, ħlief meta l-fornitur jaqbel b’mod espliċiti li jiggarantixxihom. Iżda għandu jinforma lill-abbonati dwar il-kwalità tas-servizz mogħti.

3.4

Skont l-Artikolu 4, kemm l-għoti tas-servizz portabbli kif ukoll l-aċċess għalih u l-użu tiegħu mill-abbonat huma kkunsidrati bħala prodotti fl-Istat ta’ residenza, kemm għall-finijiet ta’ din ir-regolamentazzjoni awdjoviżiva, tal-proprjetà intellettwali u tal-protezzjoni tad-dejta.

3.5

L-Artikolu 5 jistabbilixxi l-inapplikabbiltà tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jmorru kontra l-obbligu ta’ portabbiltà transkonfinali eżistenti bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri tas-servizzi, kif ukoll bejn il-fornituri tas-servizzi u l-klijenti tagħhom. Id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jeħtieġu li l-fornitur tas-servizzi jadotta l-mezzi meħtieġa sabiex jivverifika li s-servizz jiġi pprovdut skont ir-Regolament, liema mezzi għandhom ikunu raġonevoli u proporzjonati.

3.6

L-Artikolu 6 jindika li l-ipproċessar tad-data personali tal-abbonati għandu jsir b’konformità mala -leġislazzjoni tal-UE f’dan il-qasam (id-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE) (3).

3.7

L-Artikolu 7 jipprovdi li r-Regolament ma japplikax biss għall-kuntratti li jsiru wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, iżda anki retroattivament għall-kuntratti konklużi u d-drittijiet akkwistati qabel id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament, jekk ikunu rilevanti għall-għoti, l-aċċess jew l-użu tas-servizz.

3.8

L-Artikolu 8 jistabbilixxi l-iskadenza għall-applikazzjoni tar-Regolament wara l-pubblikazzjoni tiegħu, li hija ta’ sitt xhur.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tindirizza dik li tissejjaħ il-“portabbiltà transkonfinali” li, bażikament tfisser li l-utenti u l-konsumaturi jkollhom aċċess għal dawk is-servizzi ta’ kontenut awdjoviżiv onlajn li huma rreġistrati fi Stat Membru tal-UE meta jiċċaqalqu temporanjament lejn Stat Membru ieħor.

4.2

Il-KESE jemmen li din il-miżura hija importanti, fl-istrateġija tal-Kummissjoni, għall-implimentazzjoni tas-suq uniku diġitali, peress li telimina l-ostakli fil-libertà tal-għoti ta’ servizzi u l-kompetizzjoni libera bejn il-kumpaniji. F’dak li jirrigwarda l-aspetti kummerċjali, tista’ ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, filwaqt li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ gruppi differenti tas-soċjetà ċivili organizzata.

4.3

F’dan il-kuntest, il-proposta għal Regolament ippreżentata mill-Kummissjoni fid-9 ta’ Diċembru li għadda għandha l-għan li telimina l-ostakli għall-portabbiltà transkonfinali billi tobbliga lill-fornituri jipprovduha, meta dawn is-servizzi jiġu pprovduti legalment u jkunu portabbli fis-suq nazzjonali tagħhom.

4.4

L-għażla tal-istrument ġuridiku (ir-Regolament) għalhekk tkun ġustifikata mid-dimensjoni supranazzjonali tal-attività li għandha tiġi rregolata u l-ħtieġa għall-applikazzjoni tagħha fl-Istati Membri kollha b’mod simili u fl-istess ħin. Il-proposta hija marbuta ma’ dak stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE, skont liema għandhom jiġu pprojbiti r-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu jgħixu fi Stat Membru ieħor li ma jkunx dak tal-persuna li jiġu pprovduti s-servizzi lilha.

4.5

Il-KESE jaqbel mal-bażi legali magħżula tas-suq intern (l-Artikolu 114 tat-TFUE), minħabba l-ambitu u n-natura intrinsikament transkonfinali tas-servizzi koperti mill-proposta għal Regolament u l-ħtieġa għal konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-aspetti kulturali (l-Artikolu 167 tat-TFUE) u l-promozzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (l-Artikolu 169 tat-TFUE). Huwa importanti li l-proposta tiġi interpretata b’mod li jirrispetta l-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà intraprenditorjali.

4.6

Il-proposta tinkludi kontenut imxandar minn xandara jew fornituri tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni; b’mod lineari jew fuq talba; ipprovdut permezz ta’ tniżżil, strimjar jew proċedura oħra; minn kumpaniji kbar jew SMEs; bi ħlas (abbonament) jew mingħajr ħlas, fil-każ tal-aħħar sakemm jiġi vverifikat l-Istat ta’ residenza tal-utent reġistrat (pereżempju, permezz tal-indirizz tal-IP jew il-konnessjoni tal-Internet). Oġġetti u servizzi soġġetti għal transazzjoni transkonfini li għalihom il-kontenut strettament awdjoviżiv huwa sempliċiment anċillari ma jaqgħux taħt ir-Regolament propost.

4.7

Għalhekk, l-għan tal-proposta għal Regolament huwa li tissodisfa b’mod aktar effettiv, ix-xewqat u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini fl-ambjent diġitali, peress li l-miżura tippermettilhom igawdu, meta jiċċaqalqu bejn il-pajjiżi tal-UE, minn dak il-kontenut awdjoviżiv li għandhom dritt ta’ aċċess għalih. Barra minn hekk, fejn applikabbli, din tgħaqqad l-iżvilupp tas-suq ta’ kontenut awdjoviżiv maż-żamma ta’ livell għoli ta’ protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet (tal-awtur u drittijiet relatati, kif ukoll ix-xandir ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira u informazzjoni).

4.8

Il-Kummissjoni tenfasizza, f’dan ir-rigward, il-benefiċċji li tista’ tipprovdi l-inizjattiva kemm għal dawk li jitolbu s-servizzi kif ukoll, fuq perjodu twil, għall-fornituri. Il-preambolu tal-proposta għal Regolament jipprovdi li l-portabbiltà transkonfinali ma tikkontribwixxix biss għall-promozzjoni tal-interessi tal-konsumaturi. Hija tipprovdi wkoll vantaġġi differenti kemm għad-detenturi tad-drittijiet ta’ ħolqien, interpretazzjoni u eżekuzzjoni kif ukoll għal dawk involuti fir-riproduzzjoni, il-komunikazzjoni pubblika u t-twassil ta’ kontenut awdjoviżiv, fejn tagħti lil kull wieħed minnhom ċertezza legali u kapaċità ikbar biex jissodisfaw it-talbiet tal-utenti.

4.9

Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-fornituri u d-detenturi, il-Kummissjoni, probabbilment b’risposta għat-tħassib ta’ dawn il-partijiet fil-perjodu tal-konsultazzjoni pubblika, tenfasizza b’mod speċjali d-drittijiet u l-attività tagħhom. Għalhekk, huwa nnutat li l-proposta sostanzjalment ma taffettwax l-għoti ta’ liċenzji tad-drittijiet jew il-mudelli ta’ negozju, li peress li tipprovdi għall-inapplikabbiltà tal-klawżoli kuntrattwali li jmorru kontra l-obbligu tal-portabbiltà, ma teħtieġx in-negozjar mill-ġdid tal-liċenzji li (fir-rigward tax-xandara ta’ kontenut awdjoviżiv u sportiv f’domanda għolja) il-portabbiltà ma testendix il-firxa ta’ utenti tas-servizz u lanqas taffettwa bħala tali l-esklussività territorjali tal-liċenzji.

4.10

Fl-Artikoli tal-proposta, b’mod speċifiku fl-Artikolu 5(2), għandu jiġi miżjud li, minbarra n-natura raġonevoli u proporzjonata tal-mezzi użati sabiex jiġi vverifikat li l-kontenut tas-servizz tal-kontenut onlajn huwa pprovdut kif xieraq, dawn il-“mezzi effettivi” għandhom jirrispettaw jew ikunu konformi mal-prinċipji u d-drittijiet garantiti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jridu jiġu speċifikati b’mod espliċitu.

4.11

L-għoti ta’ servizz permezz tal-portabbiltà transkonfinali huwa ekwivalenti għal dak li qed isir fil-pajjiż ta’ residenza, li jkun “finzjoni legali” għall-finijiet tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, riproduzzjoni, komunikazzjoni pubblika, tqegħid għad-dispożizzjoni jew użu mill-ġdid, katalogu tal-kontenut, tagħmir imsemmi, numru ta’ utenti permessi u l-firxa ta’ karatteristiċi. Għandu jiġi speċifikat li dan għandu jsir filwaqt li tiġi rispettata n-newtralità teknoloġika. Għandhom jiġu ċċarati wkoll l-ambitu u d-definizzjonijiet tal-proposta għal Regolament u, b’mod partikolari, dawk relatati mad-definizzjoni tal-għan suġġettiv. Fi kwalunkwe każ din għandha tkun ibbażata fuq kriterji ċari u identifikabbli, peress li huma neċessarji biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà tal-istandard.

4.11.1

Madankollu, dan l-obbligu:

huwa ristrett jew soġġett għal konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet ta’ proporzjonalità meta jiġi mifhum li jista’ jinvolvi spiża sproporzjonata għall-fornituri tas-servizzi. Għalhekk, m’hemm l-ebda obbligu ta’ portabbiltà meta l-fornitur ma jivverifikax il-post ta’ residenza tal-abbonat;

hemm limitazzjoni wkoll fuq l-obbligu li tiġi żgurata l-konformità mad-drittijiet tad-detenturi; u

b’mod partikolari, mhumiex meħtieġa miżuri fil-pajjiż taż-żjara sabiex jiġi żgurat livell ta’ kwalità fl-għoti tas-servizz ta’ kontenut simili għal dak offrut fil-pajjiż tar-residenza, sakemm ma jkunx hemm impenn iddikjarat b’mod espliċitu mill-fornitur, iżda ma għandux ikun inqas minn dak disponibbli permezz tal-aċċess onlajn lokali fil-pajjiż taż-żjara. Huwa argumentat li din l-assigurazzjoni tal-kwalità tista’ tfisser li jkun hemm spejjeż addizzjonali sproporzjonati għall-fornituri tas-servizzi, filwaqt li jitqiesu d-differenzi eżistenti bejn l-Istati Membri f’termini ta’ kapaċità u infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni kkonċernati.

4.12

Rigward dan l-aħħar punt, il-kombinazzjoni tal-eżenzjoni mill-obbligu li jiġi żgurat standard ta’ kwalità u l-possibbiltà li jiġu offruti servizzi premium li jiggarantixxu din il-kwalità bi prezz għoli jaf iwassal għal ċerti prattiki abbużivi mill-fornituri tas-servizzi. Dan jista’ jnaqqas il-valur jew jiddegrada l-kwalità tas-servizz bażiku, u jibdel il-kontenut kważi fi prodott bażiku filwaqt li l-profitt jiġi assoċjat mal-ħlas għall-għoti tas-servizz. Minn tal-inqas għandu jiġi indikat b’mod ċar fil-parti operattiva tal-istandard il-kunsiderazzjoni li l-kwalità offruta, fi kwalunkwe każ, ma għandhiex tkun aktar baxxa minn dik disponibbli permezz tal-aċċess onlajn lokali fil-pajjiż taż-żjara.

4.13

Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni beħsiebha tapplika r-Regolament b’mod retroattiv. Dan ifisser li kwalunkwe klawżoli u kundizzjonijiet f’impenji innegozjati qabel li jiksru jew jillimitaw il-portabbiltà ma jibqgħux japplikaw. Barra minn hekk, huma promossi l-ftehimiet bejn dawn il-partijiet li jimplimentaw il-prinċipju tal-portabbiltà transkonfinali.

4.14

Il-KESE jipproponi definizzjoni ġdida ta’ servizz “parzjalment portabbli” li għandha tiġi applikata għal servizzi onlajn sensittivi fil-kwalità f’każijiet meta kwalità baxxa tal-Internet lokali ma tippermettix li abbonati f’żoni partikolari jużaw servizz ta’ kontenut onlajn. Applikazzjoni simili ta’ dan it-terminu kienet ġiet ippreżentata fil-paġna 8 tal-Valutazzjoni tal-Impatt (4).

Brussell, is-27 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2015) 192 final.

(2)  ĠU C 71, 24.2.2016, p. 65.

(3)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31; u ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(4)  SWD(2015) 270 final (mhux disponibbli bil-Malti).


20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/91


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għan-negozjanti tal-komoditajiet”

[COM(2015) 648 final — 2015/0295 (COD)]

(2016/C 264/12)

Relaur:

is-Sur John WALKER

Nhar it-12 ta’ Jannar 2016 u nhar it-18 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għan-negozjanti tal-komoditajiet”

[COM(2015) 648 final – 2015/0295 (COD)].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’224 vot favur, 1 vot kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jaċċetta l-ħtieġa li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital u japprova l-emendi proposti.

1.2

Il-KESE huwa ħerqan li jagħti l-opinjoni tiegħu dwar ir-Regolament rivedut fi żmien debitu.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-paragrafi li ġejjin, li huma meħuda mill-Preambolu għall-abbozz ta’ Regolament, jispjegaw dan ir-rekwiżit b’mod konċiż.

2.2

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jagħti eżenzjoni lid-ditti tal-investiment li n-negozju ewlieni tagħhom ikun jikkonsisti b’mod esklussiv mill-forniment ta’ servizzi tal-investimenti jew minn attivitajiet relatati mal-istrumenti finanzjarji stabbiliti fil-punti 5, 6, 7, 9 u 10 tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li għalihom ma kinitx tapplika, fil-31 ta’ Diċembru 2006, id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (“negozjanti tal-komoditajiet”) minn rekwiżiti ta’ skoperturi kbar u minn rekwiżiti ta’ fondi proprji. Dawn l-eżenzjonijiet japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2017.

2.3

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jitlob ukoll mill-Kummissjoni li tħejji, sal-31 ta’ Diċembru 2015, rapport dwar reġim xieraq għas-superviżjoni prudenzjali tan-negozjanti tal-komoditajiet. Barra minn hekk, dak ir-Regolament jobbliga lill-Kummissjoni li tħejji rapport dwar reġim xieraq għas-superviżjoni prudenzjali b’mod ġenerali tad-ditti tal-investiment sal-istess data. Fejn xieraq, dawk ir-rapporti għandhom jiġu segwiti bi proposti leġiżlattivi.

2.4

Ir-reviżjoni tat-trattament prudenzjali tad-ditti tal-investiment (“rieżami tad-ditti tal-investiment”), inklużi n-negozjanti tal-komoditajiet, bħalissa huwa għaddej iżda għadu ma tlestiex. Il-finalizzazzjoni tar-rieżami u l-adozzjoni ta’ xi leġiżlazzjoni ġdida li tista’ tkun meħtieġa fid-dawl ta’ dak ir-rieżami mhux se tiġi konkluża qabel il-31 ta’ Diċembru 2017.

2.5

Taħt ir-reġim eżistenti, wara l-31 ta’ Diċembru 2017, in-negozjanti tal-komoditajiet li se jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ skoperturi kbar u tar-rekwiżiti tal-fondi proprji. Dan jista’ jġegħelhom biex iżidu b’mod sinifikanti l-ammont ta’ fondi proprji li huma jkunu jeħtieġu sabiex ikomplu bl-attivitajiet tagħhom u dan jista’ għalhekk iżid il-kosti relatati tat-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet.

2.6

Id-deċiżjoni li jiġu applikati rekwiżiti ta’ skoperturi kbar u rekwiżiti ta’ fondi proprji għan-negozjanti tal-komoditajiet ma għandhiex tkun riżultat ta’ eżenzjoni li tkun skadiet. Minflok, dik id-deċiżjoni għanda tkun waħda immotivata bir-reqqa, ibbażata fuq il-konklużjonijiet tar-rieżami tad-ditti tal-investiment, u espressa b’mod ċar fil-leġiżlazzjoni.

2.7

Għandu għalhekk jiġi stabbilit limitu ta’ żmien ġdid sa meta japplikaw l-eżenzjonijiet. Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

3.   Il-perspettiva tal-KESE

3.1

Il-KESE jaċċetta l-fatt li r-Regolament ma fih xejn aktar minn emenda li tibdel id-data ta’ skadenza, skont il-paragrafu 2.7 hawn fuq, mill-31 ta’ Diċembru 2017 għall-31 ta’ Diċembru 2020.

3.2

Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma kenitx f’pożizzjoni li tirrispetta l-iskadenzi, imsemmija fil-paragrafu 2.4 hawn fuq, ffissati minnha stess. Madankollu, huwa tal-fehma li r-rekwiżiti prudenzjali għandhom ikunu stabbiliti permezz ta’ analiżi u reviżjoni dettaljati. L-eżenzjonijiet disponibbli bħalissa għal sensara ta’ komoditajiet m’għandhomx jitneħħew sempliċiment minħabba li data ta’ skadenza arbitrarja ma ġietx rispettata.

Brussell, is-27 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/93


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni”

(COM(2016) 25 final — 2016/0010 (CNS))

u

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern”

(COM(2016) 26 final — 2016/0011 (CNS))

(2016/C 264/13)

Relatur:

is-Sur Petru Sorin DANDEA

Korelatur:

is-Sur Roger BARKER

Nhar id-9 u l-10 ta’ Frar 2016, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni”

(COM(2016) 25 final — 2016/010 (CNS))

u

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern”

(COM(2016) 26 final — 2016/011 (CNS))

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-14 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tat-28 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’126 vot favur u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, li tipproponi li r-regoli inklużi fil-proġett BEPS (erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt) tal-OECD jiġu implimentati b’mod uniformi fil-livell tal-Istati Membri. Din hija parti mill-isforzi fil-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa li jipprattikaw ċerti intrapriżi transnazzjonali u li jikkontribwixxi biex idgħajjef il-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri b’ammont li, skont l-istimi, ilaħħaq EUR 50 sa EUR 70 biljun fis-sena.

1.2

Il-KESE jqis li sabiex jiġu salvagwardati l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej, l-attraenza tal-UE bħala post ta’ investiment u l-konsistenza tas-sistema fiskali internazzjonali, f’dan l-istadju ta’ rkupru ekonomiku kajman u fraġli wara l-kriżi, il-miżuri li jittieħdu għandhom ikunu allinjati ma’ dawk li diġà ġie miftiehem fil-livell tal-OECD u implimentat minn imsieħba internazzjonali oħra.

1.3

Il-KESE jħoss li huwa importanti, f’dan ir-rigward, li jsir kull sforz sabiex jintlaħqu kundizzjonijiet ta’ konkorrenza verament ekwi u sistema uniformi, applikabbli bl- istess mod fl-Istati Membri kollha. Huwa importanti li r-riskju ta’ frammentazzjoni jkun limitat, peress li dan jista’ jfixkel l-effettività tal-miżuri proposti..

1.4

Il-KESE jqis li jkun jaqbel li l-intrapriżi tas-settur finanzjarju ma jiġux esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kontra l-evitar tat-taxxa. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintensifikaw in-negozjati internazzjonali fil-qafas ta’ istituzzjonijiet bħall-OECD u l-G20, sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi fil-livell tal-UE u tal-OECD u sabiex jiġi eżaminat jekk ir-regoli proposti jistgħux jiġu applikati wkoll għal korporazzjonijiet finanzjarji.

1.5

Il-KESE jappoġġja l-proposta u jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jaqblu li s-sald isir permezz ta’ ħlasijiet bin-nifs tali trasferimenti mhumiex imwettqa biss bl-uniku skop li jiksbu benefiċċji fiskali.

1.6

Il-KESE li r-regola tal-bdil mill-eżenzjoni għal kreditu ta’ taxxa (switch-over) tiġi applikata direttament għall-kontribwenti li jkunu ġġeneraw dħul f’territorji rikonoxxuti bħala rifuġji fiskali.

1.7

Il-KESE jappoġġja r-regoli dwar il-korporazzjoniet kkontrollati minn barra l-pajjiż stipulati fil-Proposta għal Direttiva.

1.8

Peress li l-operazzjonijiet ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa huma jsiru essenzjalment minn intrapriżi multinazzjonali kbar, il-KESE jqis li l-SMEs għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kontra l-evitar tat-taxxa u d-direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva.

1.9

Fid-dawl tad-domandi mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għal aktar trasparenza dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi multinazzjonali, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni tinkludi fid-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar il-kooperazzjoni fiskali l-obbligu biex l-Istati Membri jippubblikaw id-dikjarazzjonijiet dwar ir-riżultati finanzjarji li ser ikunu soġġetti għal skambju awtomatiku ta’ informazzjoni.

1.10

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tlesti l-proċess għall-iżvilupp tal-lista ta’ Stati jew territorji li jirrifjutaw li jirrispettaw l-istandards ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa. Huwa tal-opinjoni li ma’ din il-lista għandu jkun hemm penali applikabbli għall-intrapriżi li jissoktaw bl-attivitajiet tagħhom.

1.11

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu perjodu ta’ implimentazzjoni iqsar sabiex ir-regoli li huma maħsuba biex jiżguraw li l-impenji meħuda waqt in-negozjati li jkunu saru fil-qafas tal-proċess tal-OECD dwar il-BEPS jiġu implimentati b’mod uniformi madwar l-UE.

1.12

Minħabba l-impatt potenzjali fuq l-ambjent għall-investiment fl-Ewropa, il-KESE kien jilqa’ b’sodisfazzjon valutazzjoni tal-impatt fil-Proposta għal Direttiva, kif inhi prattika standard fi proposti fejn jiġu proposti bidliet sostanzjali.

2.   Il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea

2.1

F’Jannar 2016, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pakkett ta’ miżuri kontra l-evitar tat-taxxa, li jagħmel parti mill-programm għal tassazzjoni korporattiva aktar ġusta, aktar trasparenti u aktar effiċjenti (1).

2.2

Il-pakkett huwa magħmul minn komunikazzjoni introduttorja (2) li telabora dwar il-kuntest politiku, ekonomiku u internazzjonali tal-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, u mill-istrumenti prinċipali li ġejjin: proposta għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa (3), proposta għal direttiva li temenda d-direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva (4), rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konvenzjonijiet fiskali (5) u komunikazzjoni dwar strateġija esterna tal-UE (6) dwar il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-governanza fis-settur tat-taxxa.

2.3

Din il-komunikazzjoni introduttorja tippreżenta l-kuntest politiku, ekonomiku u internazzjonali tal-pakkett ta’ miżuri kontra l-evitar tat-taxxa. Tinkludi miżuri maħsuba biex jittrasponu partijiet mill-pjan ta’ azzjoni tal-OECD dwar l-erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt, kif ukoll għadd ta’ miżuri supplimentari ġodda fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri.

2.4

Il-proposta għal direttiva kontra l-evitar tat-taxxa tistabbilixxi regoli għall-ġlieda kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern. Dawn ir-regoli jikkonċernaw it-tnaqqis tal-imgħax, it-tassazzjoni tal-ħruġ, klawżola tal-bdil mill-eżenzjoni għal kreditu ta’ taxxa (switch-over), regola ġenerali kontra l-abbuż, standards li jikkonċernaw il-korporazzjoniet kkontrollati minn barra l-pajjiż u qafas għall-indirizzar tad-diskrepanzi ibridi.

2.5

Il-proposta għal direttiva li temenda d-direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva tinkludi miżuri biex jimplimentaw l-azzjoni 13 (7) tal-pjan ta’ azzjoni tal-BEPS tal-OECD fl-Istati Membri. Dawn il-miżuri jikkonċernaw it-titjib tal-mekkaniżmu ta’ skambju awtomatiku ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri, inkluża l-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-aħħar tas-sena ta’ intrapriżi multinazzjonali.

2.6

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel parti mill-pakkett ta’ miżuri kontra l-evitar tat-taxxa għandha l-għan li ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet fiskali ffirmati mill-Istati Membri sabiex jiġġieldu kontra l-prattiki ta’ ppjanar fiskali aggressiva.

2.7

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija esterna tiddefinixxi qafas aktar strett u aktar koerenti għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi fil-qasam ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa.

3.   Kummenti ġenerali u partikolari

3.1

Il-KESE jqis li sabiex jiġu salvagwardati l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej, l-attraenza tal-UE bħala post ta’ investiment u l-konsistenza tas-sistema fiskali internazzjonali, f’dan l-istadju ta’ rkupru ekonomiku kajman u fraġli wara l-kriżi, il-miżuri li jittieħdu għandhom ikunu allinjati ma’ dawk li diġà ġie miftiehem fil-livell tal-OECD u implimentat minn imsieħba internazzjonali oħra.

Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa

3.2

Il-KESE jħoss li huwa importanti, f’dan ir-rigward, li jsir kull sforz sabiex jintlaħqu kundizzjonijiet ta’ konkorrenza verament ekwi u sistema uniformi, applikabbli bl- istess mod fl-Istati Membri kollha. Huwa importanti li r-riskju ta’ frammentazzjoni jkun limitat, peress li dan jista’ jfixkel l-effettività tal-miżuri proposti.

3.3

Il-proposta għal direttiva titlob l-implimentazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha tar-regoli stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni tal-OECD dwar il-BEPS (8), li għandu l-għan li jiġġieled kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa f’livell globali. Bħalma diġà enfasizza f’opinjonijiet preċedenti (9), il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jappoġġja l-isforzi tagħha għall-ġlieda kontra l-ippjanar fiskali aggressiv minn ċerti intrapriżi multinazzjonali, li jikkontribwixxi biex idgħajjef il-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri b’ammont li, skont l-istimi, ilaħħaq EUR 50 sa EUR 70 biljun fis-sena.

3.4

Il-KESE japprova r-regoli mressqa biex jillimitaw it-tnaqqis mit-taxxa fuq l-interessi fis-settur korporattiv. Madankollu, huwa importanti li r-regoli tal-UE jkunu kompatibbli ma’ dawk tal-OECD u mal-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Uniti u f’ġurisdizzjonijiet oħrajn ekonomiċi importanti. Approċċ koordinat fil-livell internazzjonali jgħin biex jitrażżnu l-attivitajiet ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa minn ċerti intrapriżi multinazzjonali li jittrasferixxu imgħax “eċċessiv” lejn sussidjarji f’ġurisdizzjonijiet b’rata baxxa ta’ taxxa. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintensifikaw in-negozjati internazzjonali fil-qafas ta’ istituzzjonijiet bħall-OECD u l-G20, sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi fil-livell tal-UE u tal-OECD u sabiex jiġi eżaminat jekk ir-regoli proposti jistgħux jiġu applikati wkoll għal korporazzjonijiet finanzjarji.

3.5

Fir-rigward tar-regoli dwar it-tassazzjoni tal-ħruġ il-KESE jappoġġja l-proposta u jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jaċċettaw ħlas bin-nifs biss meta t-trasferimenti mhumiex previsti unikament biex inaqqsu l-kontribut fiskali tal-intrapriża kkonċernata.

3.6

Il-KESE jirrakkomanda li r-regola tal-bdil mill-eżenzjoni għal kreditu ta’ taxxa (switch-over) tiġi applikata direttament għall-kontribwenti kollha li ġġeneraw dħul f’ġurisdizzjonijiet rikonoxxuti bħala rifuġji fiskali.

3.7

Il-KESE jappoġġja r-regoli dwar il-korporazzjoniet kkontrollati minn barra l-pajjiż stipulati fil-proposta għal direttiva.

3.8

Fid-dawl tad-dannu kkawżat mill-ippjanar aggressiv tat-taxxa għall-bażi tat-taxxa tal-Istati Membri, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu malajr kemm jista’ jkun skadenza għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva b’rabta mal-impenji meħuda taħt il-proġett BEPS previst mill-ftehimiet tal-OECD u l-G20. Il-KESE jqis li l-perjodu ta’ tliet snin stabbilit fil-proposta għal direttiva huwa eċċessiv.

3.9

Minħabba l-impatt potenzjali fuq l-ambjent għall-investiment fl-Ewropa, il-KESE kien jilqa’ b’sodisfazzjon valutazzjoni tal-impatt fil-Proposta għal Direttiva, kif inhi prattika standard fi proposti fejn jiġu proposti bidliet sostanzjali.

Direttiva li temenda d-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva

3.10

Minħabba l-gravità tal-konsegwenzi tal-frodi u tal-evitar tat-taxxa, il-KESE japprova r-regoli indikati fil-proposta għal direttiva li temenda d-direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva. Id-dikjarazzjonijiet dwar ir-riżultati finanzjarji tal-intrapriżi huma parti mill-informazzjoni soġġetta għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri, u dawn se jsaħħu l-effikaċja ta’ dan l-istrument għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

3.11

Il-KESE jikkunsidra li d-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-proposta għal direttiva għandhom japplikaw biss għal intrapriżi kbar multinazzjonali indirizzati fil-proposta u ma’ għandhomx jiġu imposti fuq l-SMEs, li fil-każ tagħhom dawn id-dikjarazzjonijiet ikollhom impatt sproporzjonat f’termini ta’ spejjeż. Jekk dan l-obbligu jiġi limitat għall-intrapriżi multinazzjonali li jkollhom fatturat konsolidat ogħla minn ċertu ammont jista’ jirriżulta kontroproduttiv u diskriminatorju.

3.12

L-emendi mfassala fil-proposta għal direttiva għandhom l-għan li jippromovu t-traspożizzjoni uniformi tal-azzjoni 13 tal-pjan ta’ azzjoni tal-BEPS tal-OECD fl-Istati Membri kollha. Il-KESE japprova l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa ma jistax jiġi trattat ħlief fil-livell dinji.

3.13

B’kunsiderazzjoni tad-domandi repetuti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jitolbu aktar trasparenza rigward it-tassazzjoni tal-intrapriżi multinazzjonali, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni tinkludi fid-dispożizzjonijiet tad-direttiva l-obbligu għall-Istati Membri li jiżvelaw id-data li jinsabu fid-dikjarazzjonijiet li se jkunu soġġetti għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni.

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu abbużiv tal-konvenzjonijiet fiskali

3.14

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għandha l-għan li tittrasponi l-azzjonijiet 6 u 7 tal-pjan ta’ azzjoni tal-BEPS tal-OECD, li jipproponu l-emendar tal-mudell ta’ konvenzjoni fiskali bl-għan li jitnaqqas ir-riskju ta’ abbuż minn intrapriżi multinazzjonali.

3.15

Il-KESE jappoġġja ż-żewġ klawżoli kontra l-abbuż li l-Kummissjoni tipproponi fir-rakkomandazzjoni tagħha. L-integrazzjoni ta’ dawn il-klawżoli fit-trattati ffirmati mill-Istati Membri ma’ Stati Membri oħra u ma’ pajjiżi terzi se jnaqqas b’mod sinifikanti l-opportunitajiet biex id-dħul iġġenerat minn kumpaniji multinazzjonali jevadi t-taxxa permezz ta’ għażla opportunistika tat-trattat.

Komunikazzjoni dwar strateġija esterna għal tassazzjoni effettiva

3.16

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiddefinixxi strateġija esterna tal-UE biex tiġi żgurata t-tassazzjoni effettiva tal-intrapriżi, fid-dawl tad-dimensjoni globali tal-evitar tat-taxxa u tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Il-Kumitat jappoġġja l-approċċ adottat mill-Kummissjoni.

3.17

Il-Kummissjoni tipproponi l-kkordinazzjoni tal-approċċ tal-Istati Membri fir-rigward ta’ pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet marbuta mat-trasparenza fiskali. Il-KESE japprova l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, peress li l-implimentazzjoni frammentata tal-istandards ta’ governanza fiskali tajba mill-Istati Membri fir-rigward ta’ pajjiżi terzi ma tatx riżultati konvinċenti fil-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

3.18

Meta titqies l-evoluzzjoni mgħaġġla tal-kuntest fiskali globali, jeħtieġ jiġu aġġornati l-kriterji tal-UE dwar il-governanza fiskali tajba. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tipproponi sensiela ta’ kriterji ġodda fl-Anness I tal-komunikazzjoni tagħha. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jħeġġeġ lill-Kunsill japprova dawn il-kriterji l-ġodda.

3.19

Il-KESE approva l-idea ta’ lista Ewropea ta’ ġurisdizzjonijiet li jirrifjutaw li jirrispettaw l-istandards ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa (10). Bħalissa, il-maġġoranza tal-Istati Membri għandhom sistema għalihom ta’ listi u sanzjonijiet dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji ma’ dawn il-ġurisdizzjonijiet. Il-KESE jqis li lista tal-UE li tiddefinixxi kriterji preċiżi sabiex jiġu identifikati l-ġurisdizzjonijiet li jirrifjutaw li jikkonformaw, kif ukoll is-sanzjonijiet applikati b’mod uniformi mill-Istati Membri kollha jkunu strument aktar effiċjenti fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Barra dan, il-KESE jaqbel mal-miżuri ppreżentati mill-Kummissjoni fl-istrateġija tagħha.

Brussell, it-28 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  http://ec.europa.eu/taxation_customs/resources/documents/taxation/company_tax/anti_tax_avoidance/timeline_without_logo.png

(2)  COM(2016) 23 final.

(3)  COM(2016) 26 final.

(4)  COM(2016) 25 final.

(5)  COM(2016) 271 final.

(6)  COM(2016) 24 final.

(7)  http://www.oecd.org/tax/transfer-pricing-documentation-and-country-by-country-reporting-action-13-2015-final-report-9789264241480-en.htm

(8)  http://www.oecd.org/fr/ctp/beps-actions.htm

(9)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa (ĠU C 198, 10.7.2013, p. 34).

(10)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar it-trasparenza fiskali, ĠU C 332, 8.10.2015, p. 64.


20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/98


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-għeluq taċ-ċirku — Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari

(COM(2015) 614 final),

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ”

(COM(2015) 596 final — 2015/0276 (COD)),

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart”

(COM(2015) 595 final — 2015/0275 (COD)),

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma”

(COM(2015) 594 final — 2015/0274 (COD),

u dwar

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku”

(COM(2015) 593 final — 2015/0272 (COD))

(2016/C 264/14)

Relatur:

is-Sur Cillian LOHAN

Nhar it-2 ta’ Diċembru 2015, l-14 ta’ Diċembru 2015 u nhar il-15 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 192(1), 114(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari” — (COM(2015) 614 final)

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ” — (COM(2015) 596 final – 2015/0276 (COD))

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart — (COM(2015) 595 final — 2015/0275 (COD))

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma” — (COM(2015) 594 final — 2015/0274 (COD))

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku” — (COM(2015) 593 final — 2015/0272 (COD)).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’192 vot favur, 4 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE huwa fiduċjuż li l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari ser tkun l-ewwel pass sabiex tinkiseb bidla fundamentali fl-attitudni u fil-prattika. Huwa jfakkar l-oppożizzjoni tiegħu għall-irtirar tal-Pakkett preċedenti dwar l-Ekonomija Ċirkolari ppubblikat fl-2014.

1.2

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-fatt li l-Kummissjoni adottat xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-Pakkett tal-2014 (pereżempju, l-enfasi fuq il-parti iktar ‘il fuq fil-katina taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott). Madankollu, hemm lok għal titjib meta niġu għal-livell ta’ ambizzjoni tal-pakkett. Il-miri mill-Pakkett tal-2014 ipprovdew aktar benefiċċji ekonomiċi u ambjentali (1). Il-KESE jirrakkomanda li jerġgħu jiġu introdotti l-miri tal-Pakkett tal-2014 dwar it-trattament tal-iskart, filwaqt li jiġi żgurat li dawn jistgħu jintlaħqu b’mod kosteffettiv. B’mod ġenerali, id-dewmien ta’ 18-il xahar ma jidhirx iġġustifikat mill-kamp ta’ applikazzjoni jew il-kontenut ta’ ambizzjoni tal-Pakkett il-ġdid meta mqabbel mal-Pakkett ta’ qabel.

1.3

Il-politiki tal-ekonomija ċirkolari għandhom jiżguraw li ċ-ċrieki jkunu dewwiema, żgħar, lokali u nodfa. Għal ċerti attivitajiet industrijali ċ-ċrieki jistgħu jkunu kbar.

1.4

Il-proposti tal-Kummissjoni ma jindirizzawx b’mod suffiċjenti l-benefiċċji u r-riskji soċjali u dawk marbuta max-xogħol ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari (2). Ma jipprevedux l-addattament meħtieġ, permezz tat-taħriġ u l-edukazzjoni, tal-forza tax-xogħol. L-aktar setturi u ħaddiema vulnerabbli għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi stabbilita għalihom sensiela sħiħa ta’ strutturi ta’ appoġġ.

1.5

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rappurtar obbligatorju dwar l-użu ta’ strumenti ekonomiċi adegwati biex jixprunaw it-tilħiq tal-miri għat-tnaqqis tal-iskart, iżda dan għandu jiġi applikat f’kuntest usa’. L-użu ta’ strumenti ekonomiċi sabiex jixprunaw it-transizzjoni għandu jissaħħaħ u jsir aktar sistemiku.

1.6

Il-Kumitat huwa lest li jeżamina l-fattibbiltà ta’ pjattaforma Ewropea – ospitata mill-KESE – miftuħa għall-ekonomija ċirkolari li tlaqqa’ flimkien partijiet interessati u s-soċjetà ċivili mis-setturi pubbliċi, semipubbliċi jew privai involuti fl-effiċjenza tar-riżorsi. Din il-pjattaforma għandha l-għan li tipprovdi opportunitajiet għall-iskambju tal-aħjar prattiki u għas-sensibilizzazzjoni dwarhom.

1.7

L-edukazzjoni fil-forom kollha tagħha fil-livelli kollha ser tkun parti essenzjali tat-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari. Din għandha tinkludi l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-ħaddiema li jeħtieġ li jagħmlu parti minn bidla immedjata kif ukoll l-azzjoni aktar fit-tul li tikkonċerna l-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri.

1.8

It-tranżizzjoni għall-ekonomija ċirkolari għandha tagħti riżultati għall-komunità tan-negozju. F’NAT/652 ġew identifikati l-miżuri li jappoġġjaw l-SMEs (3). L-aċċess għall-finanzjament ser ikun kwistjoni għall-SMEs u l-intraprendituri li jkunu jridu jisfruttaw l-opportunitajiet li jinfetħu fl-ispazju tal-ekonomija ċirkolari.

1.9

Ir-reviżjoni mistennija tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn għandha tikkunsidra ċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodott, inklużi: id-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija, id-disponibbiltà/l-affordabbiltà tal-parts tal-bdil, id-divulgazzjoni mingħajr kundizzjoni tal-informazzjoni min-naħa tal-manifatturi dwar it-tiswija u s-servizzi. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu applikati l-prinċipji tal-ekodisinn għss-setturi tal-manifattura kollha. Dan għandu jiffaċilita l-irkupru ekonomikament u teknikament vijabbli tal-materja prima u l-partijiet komponenti tal-prodotti minħabba li l-użu tagħhom ma tkompliex. L-eżempju tal-prodotti elettroniċi, b’mod partikolari t-telefowns ċellulari, huwa ġeneralment użat biex jenfasizza dan.

1.10

Huwa meħtieġ tikkettar aktar komprensiv biex jinkludi l-ħajja mistennija tal-prodotti. Mhuwiex biżżejjed li tiġi eżaminata l-possibbiltà tal-eżistenza tal-obsolenza ppjanata. Il-KESE jtenni t-talba tiegħu lil dawk kollha responsabbli għat-tfassil tal-politika biex jikkunsidraw li jkun hemm projbizzjoni totali fuq il-prodotti maħluqa b’difetti interni b’tali mod li jwasslu sabiex il-prodott ma jkunx jista’ jibqa’ jintuża aktar (4).

1.11

L-aħjar mod biex tinkiseb bidla fl-imġiba huwa permezz ta’ sinjali ċari tal-prezzijiet, jiġifieri billi jiġu offruti konvenjenza u prezzijiet kompetittivi lill-konsumaturi. Prodotti jew servizzi li jsegwu l-prinċipji taċ-ċirkolarità għandhom ikunu differenzjati fil-prezz fuq bażi tad-disponibbiltà/l-iskarsezza tar-riżorsi jew kif il-prodott ikun iddisinjat. Dawn inizjalment jistgħu jinkisbu permezz ta’ skemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR) u/jew tassazzjoni ekoloġika. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ittestjar tal-vijabbiltà ta’ kwalunkwe miżura ġdida.

1.12

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimii għall-iskemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur; madankollu, hemm bżonn li jiġu ċċarati iżjed ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet interessati differenti fil-katina. L-iskemi EPR għandhom ikunu obbligatorji għall-adozzjoni mill-Istati Membri.

1.13

Għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi ta’ appoġġ li jippermettu li l-persuni fqar ikollhom aċċess għal prodotti u servizzi ta’ kwalità ogħla (li inizjalment ikollhom prezz ogħla). Dawn jista’ jieħu l-forma ta’ skema ta’ self sostnuta mill-gvern, jew skema ta’ finanzjament sostnuta mill-manifattur esklużivament applikata b’rati aktar baxxi għal prodotti b’ċerta ħajja mistennija minima, u ddisinjati biexj inkorporaw l-elementi kollha taċ-ċirkolarità.

1.14

Hemm evidenza li għodod tal-politika speċifiċi bħal skemi ta’ għoti lura tad-depożitu mar-ritorn u sistemi integrati ta’ ġestjoni huma effettivi u għandhom jiġu inkoraġġiti bħala parti mill-pakkett. Rati mnaqqsa jew eżenzjoni fuq il-VAT għal prodotti riċiklati kif ukoll attivitajiet ta’ użu mill-ġdid u tiswija jistgħu jkunu ta’ inċentiv għall-intraprendituri biex ikunu attivi f’dan l-ispazju, u joffru lill-konsumaturi prodott bi prezz kompetittiv, li ser jgħin biex jippromovi bidla fl-imġiba fuq skala wiesgħa. Is-sussidji għandhom jiċċaqilqu biex jappoġġjaw l-użu ta’ materja prima sekondarja, u jinkoraġġixxu l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-ekodisinn fis-setturi tal-manifattura kollha.

1.15

Il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet tagħhom għandhom jieħdu rwol ewlieni fl-applikazzjoni tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku għal kull xiri ta’ prodotti u servizzi fis-setgħa tagħhom. L-iktar alternattiva ekoloġika għandha tintgħażel b’mod awtomatiku, u kull alternattiva oħra għandha tirrikjedi ġustifikazzjoni.

1.16

Il-ġbir separat tal-iskart huwa kritiku għall-kisba taċ-ċirkolarità. Tintlaqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda tar-rekwiżit vinkolanti sabiex minnufih jiġi pprovdut ġbir separat għall-bijoskart. Ir-rekwiżit fid-Direttiva għandu jissaħħaħ għall-ġbir separat kollu, sabiex dan isir obbligatorju sakemm ma tingħatax eżenzjoni speċifika fejn ikum hemm restrizzjoni f’dak li jirrigwarda l-fattibbiltà fil-prattika.

1.17

It-tnaqqis tal-ħela tal-ikel jista’ jintlaħaq biss permezz tal-inklużjoni ta’ stadji importanti fit-triq lejn il-kisba tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli Nru 2. Fl-Anness għandu jiġi inkluż mekkaniżmu biex jiġu kwantifikati t-telf u l-ħela tal-ikel b’data tal-għeluq speċifika, li jibni fuq ix-xogħol li diġà sar (5).

1.18

Il-kunċetti tal-ekonomija ċirkolari ma jistgħux jiġu żviluppati b’mod iżolat. Jinħtieġ korp ta’ sorveljanza, bħall-Pjattaforma Ewropea għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, bl-inkarigu li jiżgura li strateġiji settorjali oħra li jkunu ġejjin mill-Kummissjoni jkunu f’armonija mal-prinċipji ta’ ekonomija ċirkolari.

1.19

Il-proċess tas-Semestru permezz tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż jista’ jintuża biex jiżgura l-implimentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri, u biex jiżgura prijoritizzazzjoni ta’ tranżizzjoni għal mudell tal-ekonomija ċirkolari.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fit-2 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea nediet pakkett rivedut dwar l-ekonomija ċirkolari. Il-proposti jinkludu sezzjoni mhux leġislattiva, inkluża Komunikazzjoni “L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari” u sezzjoni li tipproponi serje ta’ emendi għal-leġislazzjoni Ewropea eżistenti dwar it-trattament u r-riċiklaġġ tal-iskart.

2.2

Il-proposti l-ġodda jissostitwixxu l-pakkett ta’ qabel li l-Kummissjoni Ewropea, immexxija minn José Manuel Barroso, ħarġet f’Lulju 2014 fil-qafas tal-Inizjattiva Ewlenija UE2020 “Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi”. Il-pakkett il-ġdid għandu xi titjib — b’mod partikolari, huwa aktar komprensiv u jkopri l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott — u xi oqsma fejn l-ambizzjoni tnaqqset. Hemm il-periklu li l-pakkett jiffoka fuq ir-riċiklaġġ, u ma jintroduċix għodod tal-politika li jissodisfaw ix-xewqa biex jinkiseb mudell ekonomiku ġdid taċ-ċirkolarità. Rati aktar għoljin ta’ riċiklaġġ mhumiex sinonimi ma’ ekonomija aktar ċirkolari. B’mod ġenerali, id-dewmien ta’ 18-il xahar ma jidhirx iġġustifikat mill-kamp ta’ applikazzjoni jew il-kontenut ta’ ambizzjoni tal-pakkett il-ġdid meta mqabbel mal-pakkett ta’ qabel.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-bidla minn ekonomija lineari ta’ estrazzjoni-trasformazzjoni-użu-rimi għal waħda ċirkolari fejn l-iskart jista’ jiġi ttrasformat f’riżorsi hija sfida kruċjali għall-Ewropa. Tagħmel lill-ekonomija aktar sostenibbli u tnaqqas l-impronta ambjentali permezz ta’ ġestjoni aħjar tar-riżorsi, it-tnaqqis tal-estrazzjoni u t-tniġġis; tippermetti wkoll lin-negozji jiksbu vantaġġ kompetittiv bis-saħħa ta’ ġestjoni aħjar tal-materja prima, filwaqt li tagħmel lill-ekonomija anqas dipendenti minn materjali importati potenzjalment kritiċi u rari; tipprovdi wkoll opportunitajiet ekonomiċi ġodda u swieq ġodda, fi ħdan u barra l-Ewropa, u twassal għall-ħolqien ta’ impjiegi lokali ġodda.

3.2

Ir-rikonoxximent tal-ħtieġa għal tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari huwa apprezzat. L-isfida hija li tinkiseb bidla sistematika jekk għandu jiġi realizzat il-potenzjal sħiħ tad-diversi benefiċċji ekonomiċi u soċjali. Politiki favur ekonomija ċirkolari, għandhom jiżguraw li ċ-ċrieki jkunu dejjiema, żgħar, lokali, nodfa. Madankollu, id-daqs taċ-ċrieki jista’ jvarja. F’ekonomija ċirkolari l-użu huwa aktar importanti mis-sjieda: is-sistemi produzzjoni/servizzi u xejriet ta’ konsum kollaborattiv jistgħu jikkontribwixxu b’mod pożittiv ħafna f’dan ir-rigward u se jkunu żviluppati iktar f’żewġ opinjonijiet ippjanati tal-KESE. Ekonomija ċirkolari mhijiex biss ekonomija lineari fejn nippruvaw indaħħlu lura l-iskart fil-produzzjoni iżda għandha l-għan li tikseb bidla sħiħa tal-ekonomija, fejn il-kunċetti nnifishom tar-responsabbiltà u tas-sjieda jridu jiġu definiti mill-ġdid. Tali bidliet elementari għandhom ikunu implimentati filwaqt li jkunu konxji tal-kuntest globali interkonness tal-mudell ekonomiku attwali. Huwa rari li tittieħed azzjoni siewja biss fuq livell reġjonali meta jiġu trattati kwistjonijiet globali u jeħtieġ li jingħata bidu lil inizjattiva globali.

3.3

L-effetti fuq l-ekonomija minn tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari għandhom jiġu analizzati kontinwament. Hekk kif il-prattiki ta’ negozju antikwati qed jiskadu dawk l-aktar milquta jridu jiġu identifikati u jingħatalhom l-appoġġ biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija ċirkolari. Għandhom jiġu indirizzati l-benefiċċji u r-riskji soċjali u dawk relatati max-xogħol (6).

3.4

Hemm nuqqas ta’ strumenti ekonomiċi biex jixprunaw it-tranżizzjoni. Il-KESE identifika l-ħtieġa għal taħlita ta’ strumenti bbażati fuq is-suq u strumenti regolatorji biex tinkiseb ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi (7). L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/98/KE jesiġi li l-Istati Membri jużaw strumenti ekonomiċi, u jinkludi mekkaniżmu ta’ rappurtar wara 18-il xahar u mill-ġdid wara 5 snin. Dan il-mekkaniżmu jista’ jissaħħaħ billi jiġi inkluż rapport interim u rakkomandazzjoni biex tintuża taxxa ambjentali. L-iżvilupp ta’ strumenti dwar l-aħjar prattika fl-Istati Membri għandu jkun kondiviż u l-adozzjoni għandha titħeġġeġ permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew.

3.5

Jeħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi aktar ċarezza dwar il-koerenza tal-pjani ta’ azzjoni differenti maħruġa fis-snin preċedenti u r-relazzjoni bejniethom mil-lat ta’ ġerarkija u kundizzjonalità: il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fir-Rizorsi (8), is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali sal-2020 (9) u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari. Ħafna mill-attivitajiet proposti fil-pjan ta’ azzjoni reċenti diġà ssemmew fl-inizjattivi ta’ qabel. Valutazzjoni sħiħa tas-suċċessi u l-fallimenti tal-inizjattivi preċedenti hija kritika.

3.6

Il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, għad hemm kwistjoni kritika: il-miżuri, kollha f’daqqa, huma biżżejjed biex iċaqalqu lill-ekonomiji Ewropej mit-triq tal-iżvilupp attwali (li ser iżid ukoll l-effiċjenza tar-riżorsi) lejn mudell verament ċirkolari li jissepara l-benefiċċji ekonomiċi mill-użu tar-riżorsi naturali (separazzjoni assoluta) u jimmultiplika l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali (10)? Dan il-pjan ta’ azzjoni jeħtieġ li jiġi adattat biex jindirizza l-isfidi sistemiċi sottostanti u joħloq qafas suffiċjenti biex tinbeda t-tranżizzjoni (11).

3.7

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni dwar l-iskart (12). Ġew innotati l-benefiċċji mnaqqsa mil-lat tal-ekonomija, l-impjieg u t-tnaqqis tal-emissjonijiet f’dan il-Pakkett meta mqabbla mal-benefiċċji tal-Pakkett li ġie rtirat. Analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji dwar il-pjan ta’ azzjoni mhux leġislattiv tkun utli għall-identifikazzjoni tal-miżuri l-aktar effettivi u proporzjonati biex tinkiseb tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari (13).

3.8

L-implimentazzjoni hija fundamentali għas-suċċess. Il-KESE jappella għal korp speċifiku responsabbli għall-koerenza u għall-kundizzjonalità, li jixbah lill-Pjattaforma Ewropea għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (14) li kkontribwixxiet għas-Seba’ EAP u l-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari.

3.9

Il-Kumitat jagħraf l-isforzi tal-Kummissjoni li tinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati u esperti, kif intalab fl-Opinjoni NAT/652 (15). It-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari huwa proċess fit-tul u għandu bżonn sjieda fil-livelli u s-setturi kollha. Il-Kummissjoni tenfasizza l-intenzjoni tagħha li tinvolvi b’mod attiv lill-partijiet interessati fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni (16); id-dettall ta’ dan ser ikun kruċjali.

3.10

Il-KESE jirrepeti l-offerta tiegħu li ressaq fl-opinjoni tiegħu NAT/652 li l-Kumitat jippromovi b’mod attiv in-netwerks tal-atturi tas-soċjetà ċivili li jargumentaw favur tranżizzjoni għal mudell ta’ ekonomija ċirkolari u li jeżamina wkoll l-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ pjattaforma Ewropea għall-ekonomija ċirkolari. Hemm għadd ta’ forums eżistenti li joffru perspettiva settorjali teknika. Il-KESE jinsab f’pożizzjoni tajba biex joffri forum viżibbli biex jiffaċilita r-rappurtar u l-impenn tal-partijiet interessati ewlenin dwar l-ekonomija ċirkolari. Dan jista’ jiġi organizzat f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita pjattaforma transsettorjali li tinvolvi għadd ta’ partijiet interessati. Il-KESE diġà għandu Forum dwar il-Migrazzjoni li jista’ joffri mudell adatt biex jiġi replikat.

3.11

Huma kritiċi r-rwol tal-ħaddiema fit-tranżizzjoni u wara t-tranżizzjoni f’mudell ta’ ekonomija ċirkolari u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba. Il-KESE stqarr il-pożizzjoni tiegħu (17) li minkejja l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi  (18) il-Pakkett li ġie rtirat ma kienx jindirizza biżżejjed il-benefiċċji soċjoekonomiċi u l-isfidi speċifiċi tal-ekonomija ċirkolari. Dan għadu jgħodd għall-Pakkett tal-2015. L-industriji u n-negozji li ser jiġu affettwati b’mod negattiv mit-tranżizzjoni għandhom ikunu l-fokus ta’ xi parti mill-appoġġ sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta. Il-ħaddiema għandhom ikunu protetti, u jitħallew jibbenefikaw mill-bosta opportunitajiet (19) offruti mill-mudell ċirkolari l-ġdid.

3.12

L-edukazzjoni għandha tiġi estiża għal-livelli kollha mill-iskejjel primarji sal-kumpaniji, l-SMEs, l-investituri u l-finanzjaturi. L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jintrabtu fi programm koerenti li jindirizza identifikati l-isfidi soċjoekonomiċi identifikati. L-edukazzjoni ser tkun waħda mill-ixpruni ta’ bidla fl-imġiba fuq skala wiesgħa u tista’ tgħin tistabbilixxi ġenerazzjoni ġdida ta’ konsumaturi responsabbli b’għażliet ta’ konsum etiku bi prezzijiet preċiżi, konvenjenti u ta’ kwalità għolja.

3.13

It-tranżizzjoni għall-ekonomija ċirkolari għandha tagħti riżultati għall-komunità tan-negozju. F’NAT/652 ġew identifikati l-miżuri li jappoġġjaw l-SMEs (20). L-aċċess għall-finanzjament ser ikun kwistjoni għall-SMEs u l-intraprendituri li jkunu jridu jisfruttaw l-opportunitajiet li jinfetħu fl-ispazju tal-ekonomija ċirkolari. Il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, kif ukoll fondi tematiċi, bħal LIFE u COSME, huma sors possibbli ta’ finanzjament u, fi ħdanhom, għandhom ikunu disponibbli għażliet speċifiċi ta’ finanzjament.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1    Produzzjoni

4.1.1

Ir-reviżjoni mistennija tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn (21) għandha tikkunsidra ċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodott, inklużi: id-durabbiltà, l-obsolenza ppjanata (jew il-“ħajja mistennija”), il-possibbiltà ta’ tiswija, id-disponibbiltà/affordabbiltà tal-parts tal-bdil, id-divulgazzjoni tal-informazzjoni mingħajr kundizzjoni mill-manifatturi.

4.1.2

Id-Direttiva dwar l-Ekodisinn bħalissa tapplika biss għal prodotti relatati mal-enerġija. F’pubblikazzjonijiet preċedenti (22), il-mobbiltà, l-akkomodazzjoni u l-ikel ġew identifikati bħala responsabbli għal 70-80 % tal-impatt ambjentali negattiv. Dan jenfasizza l-ħtieġa li l-prinċipju tal-ekodisinn jiġi applikat fis-setturi kollha. Dan huwa element trasversali kruċjali. B’mod partikolari, għall-iżvilupp tal-SMEs reġjonali fl-oqsma ta’ opportunità tat-tiswija, l-użu mill-ġdid u l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, il-materjal ta’ sors jeħtieġ li jkun maħsub għal diversi użi varjati u għaż-żarmar u l-ipproċessar mill-ġdid.

4.1.3

L-iskemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR) għandhom jikkunsidraw b’mod sħiħ iċ-ċrieki kollha. Huwa rikonoxxut li r-regolamentazzjoni tal-effiċjenza tal-materjali hija kwistjoni aktar kumplessa mill-effiċjenza fl-enerġija iżda l-isfida għandha tiġi indirizzata b’approċċ innovattiv. Inċentivi ġodda marbuta mal-EPR jeħtieġ jiżgura li dawn jissarrfu f’tibdil sustantiv fl-imġiba fil-livell tal-produttur, u dan iwassal għal bidla fl-imġiba fil-livell tal-konsumatur. Il-manifatturi għandhom ikunu obbligati li jikkomunikaw il-ħajja mistennija tal-prodotti tagħhom.

4.1.4

Simbjożi settorjali favorevoli għall-SMEs fuq il-bażi ta’ ekosistemi ekonomiċi u soċjali lokali bl-appoġġ ta’ politiki reġjonali tal-industrija ekoloġika ser teħtieġ l-appoġġ u l-promozzjoni fil-fażi tat-twettiq tat-tranżizzjoni. L-ewwel fażi taċ-ċirkolarità ser tinvolvi l-ekonomiji reġjonali b’għadd kbir ta’ SMEs. Użu akbar ta’ prodotti sekondarji industrijali bħala materja prima għal industriji oħra għandu jikkontribwixxi għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi. Hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar kif il-Kummissjoni ser tuża l-Artikolu 5 emendat tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart sabiex tilħaq dan l-għan.

4.1.5

L-ekonomija ċirkolari tista’ tiżviluppa aktar, fi stadju aktar ‘il quddiem, biex tappoġġja r-riindustrijalizzazzjoni sostenibbli tal-Ewropa. Hemm il-potenzjal li titfaċċa fażi ta’ żvilupp b’dimensjoni industrijali ċara, ibbażata fuq l-istandardizzazzjoni, sabiex jiġi żgurat li tista’ tkun mudell effiċjenti u fuq skala kbira.

4.1.6

Ekonomija ċirkolari ġenwina tiffoka fuq is-sjieda u r-responsabbiltà. Il-produtturi għandhom jiġu inkoraġġiti biex jiżviluppaw mudelli tan-negozju bbażati fuq il-funzjonalità fejn il-kiri u l-bejgħ tal-prodotti bħala servizzi jsiru prattika standard, fejn l-ispejjeż kollha jiġu internalizzati. Din hija r-rabta bejn il-produzzjoni tal-prodotti u s-servizzi għal mudell ċirkolari bl-istabbiliment ta’ “ekonomija tal-prestazzjoni” fejn mudelli tan-negozju jqisu b’mod sħiħ l-iskarsezza tar-riżorsi.

4.1.7

Il-potenzjal tal-attivitajiet tal-użu mill-ġdid u tat-tiswija mil-lat ta’ attività ekonomika u tal-ħolqien ta’ impjiegi lokali jista’ jiġi sfruttat aħjar permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa mal-manifatturi tal-prodotti. B’mod partikolari, informazzjoni dwar prodotti u d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-parts tal-bdil matul żmien minimu wara li l-prodott jiġi introdott fis-suq huma elementi ewlenin li jistgħu jgħinu lill-operaturi involuti fit-tiswija u l-użu mill-ġdid li jespandu. Għandhom jitħeġġu skemi volontarji għal kooperazzjoni aħjar bis-sehem tal-manifatturi u għandhom jiġu eżaminati r-rekwiżiti legali dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-prodotti. Bl-istess mod, l-operaturi involuti fl-użu mill-ġdid u t-tiswija għandu jkollhom aċċess aktar faċli għal prodotti fi tmiem ħajjithom biex jistimulaw l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi f’dan is-settur.

4.1.8

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li fil-fehma tal-Kummissjoni l-obsolenza ppjanata hija kwistjoni li jeħtieġ li tiġi indirizzata. L-obsolenza ppjanata tista’ tiġi miġġielda b’mod effettiv billi jiġu promossi mudelli ta’ negozju innovattivi li jiffukaw fuq is-servizzi/il-prestazzjoni. F’Opinjoni preċedenti ddedikata għall-konsum sostenibbli u ħajjet il-prodotti (23), il-KESE talab lil dawk kollha responsabbli għat-tfassil tal-politika biex jikkunsidraw li jkun hemm projbizzjoni totali fuq il-prodotti maħluqa b’difetti interni b’tali mod li jwasslu sabiex il-prodott ma jkunx jista’ jibqa’ jintuża aktar. Sabiex din il-kwistjoni tiġi indirizzata bis-sħiħ, mhuwiex biżżejjed li sempliċement jintuża l-programm ta’ ttestjar tal-Orizzont 2020 biex jiġu identifikati l-prattiki tal-obsolenza ppjanata, kif suġġerit fil-Pjan ta’ Azzjoni. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq malajr proposti aktar ambizzjużi.

4.2    Konsum

4.2.1

Bidla fl-imġiba tista’ tinkiseb billi jiġu offruti konvenjenza u prezzijiet kompetittivi lill-konsumaturi. Prodotti jew servizzi li jsegwu l-prinċipji taċ-ċirkolarità għandhom ikunu differenzjati fil-prezz fuq bażi tad-disponibbiltà/l-iskarsezza tar-riżorsi jew kif il-prodott ikun iddisinjat. Dawn inizjalment jistgħu jinkisbu permezz ta’ skemi tal-EPR u/jew permezz tat-tassazzjoni ekoloġika. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ittestjar tal-vijabbiltà ta’ kwalunkwe miżura ġdida.

4.2.2

Il-KESE jistenna bil-ħerqa l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu rrazzjonalizzati t-tikketti ekoloġiċi u jiġu pprevenuti dikjarazzjonijiet ambjentali foloz. It-tikkettar preċiż tal-informazzjoni essenzjali meħtieġa mix-xerrejja jiffaċilita aħjar għażliet iżjed ġusti mill-konsumaturi u jippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet mill-konsumaturi abbażi ta’ aspetti verament paragunabbli ta’ prodott kwalunkwe. Pereżempju, prezz inizjali aktar għali għal tagħmir tal-kċina jista’ jkun fil-fatt l-għażla aktar ekonomika maż-żmien minħabba tul il-ħajja tat-tagħmir inkwistjoni u l-kwalità u l-prestazzjoni tiegħu.

4.2.3

L-aċċess u l-affordabbiltà, għall-konsumaturi kollha, għat-tagħmir bi prestazzjoni ogħla huma problema. Għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi ta’ appoġġ li jippermettu aċċess għal prodotti u servizzi ta’ kwalità ogħla li jkollhom prezz inizjali ogħla lil persuni ifqar. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ skema ta’ self sostnuta mill-gvern, jew skema ta’ finanzjament sostnuta mill-manifattur esklużivament applikata b’rati aktar baxxi għal prodotti b’ċerta ħajja mistennija minima, u ddisinjati biex jinkorporaw l-elementi kollha taċ-ċirkolarità. Din il-kwistjoni tista’ tiġi indirizzata permezz ta’ ċaqliq lil hinn mis-sjieda lejn mudell għall-prodotti abbażi tal-lokazzjoni.

4.2.4

L-għażla ċirkolari għandha tkun affordabbli għall-konsumatur. Tipikament prodott ta’ kwalità ogħla b’ħajja mistennija itwal ser jiswa aktar fix-xirja inizjali. Madankollu matul il-ħajja tal-użu tal-prodott, dan l-iżvantaġġ fl-ispiża normalment jiġi bbilanċjat. Tikkettar u informazzjoni mtejba flimkien ma’ strumenti finanzjarji li jinċentivaw ħajja itwal, partijiet tal-komponenti aktar nodfa, kapaċità aħjar għat-tiswija u ż-żarmar għall-użu mill-ġdid, ser ikunu inċentiv għall-bidla fl-imġiba.

4.2.5

Is-Seba’ EAP (paragrafu 41(d)) jipprevedi l-ħolqien ta’ qafas aktar koerenti għall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u għall-iffissar ta’ miri għat-tnaqqis tal-impatt globali tal-konsum. Issir referenza għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli Nru 12 tan-NU dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli iżda l-ħtieġa għall-miri identifikati fis-Seba’ EAP mhijiex riflessa fil-Pjan ta’ Azzjoni jew l-Anness.

4.2.6

Il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija għat-tnaqqis tal-impronta ambjentali tal-konsum u l-produzzjoni u ż-żieda fl-użu multiplu u t-tiswija għandhom jintrabtu biex tinkiseb it-tranżizzjoni għaċ-ċirkolarità.

4.2.7

Għażliet responsabbli mill-konsumatur jitolbu li l-konsumatur jingħata informazzjoni siewja. Għalhekk l-iżvilupp ta’ metodoloġija tal-impronta ambjentali tal-prodott għandu jintlaqa’. Madankollu, diġà ssemma l-ittestjar fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi fl-2011 (24).

4.2.8

Il-KESE jitlob għal miri indipendenti u kwantitattivi għall-użu mill-ġdid, li jkunu separati minn dawk għar-riċiklaġġ. Hemm bżonn li jinħolqu l-kondizzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

4.2.9

Li tingħata spinta lill-iskemi tal-użu mill-ġdid u t-tiswija jista’ jkun eżempju tajjeb għall-użu tal-istrumenti ekonomiċi. L-applikazzjoni ta’ rati tal-VAT aktar baxxi għal prodotti li huma ppreparati għall-użu mill-ġdid jew imsewwija u mibjugħa għandha tiġi eżaminata. Din tittrasforma l-kompetittività tal-prodotti li jissewwew, u tagħti spinta lill-innovazzjoni u lill-attività intraprenditorjali fil-qasam.

4.2.10

Fil-qasam tal-konsum kollaborattiv, għandhom jiġu kkunsidrati l-messaġġi mill-opinjonijiet preċedenti tal-KESE (25). Żviluppi promettenti li joħorġu mill-aħħar riċerka xjentifika, speċjalment fir-rigward tax-xjenza tal-imġiba u l-kunċett “nudge”, għandhom jiġu kkunsidrati sabiex il-konsumaturi jirċievu l-għajnuna biex jagħmlu għażliet iktar responsabbli; il-Kumitat se joħroġ opinjoni dalwaqt dwar dan is-suġġett.

4.2.11

L-akkwist pubbliku ekoloġiku huwa xprun importanti għall-promozzjoni tal-konsum sostenibbli. Hija meħtieġa valutazzjoni tas-sehem attwali tal-APE meta mqabbel mat-total tal-konsum pubbliku. Bħalissal-għażla awtomatika għall-akkwist pubbliku hija l-prezz l-aktar baxx. Din l-għażla awtomatika għandha tkun iffissata bħala l-għażla ekoloġika, sabiex kwalunkwe għażla oħra għajr dik ekoloġika tkun tirrikjedi ċirkustanzi attenwanti u spjegazzjoni adatta.

4.3    Ġestjoni tal-iskart

4.3.1

Implimentazzjoni xierqa tal-leġislazzjoni Ewropea eżistenti dwar l-iskart madwar l-UE hija essenzjali. Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-ġerarkija tal-iskart u jħeġġeġ lill-partijiet interessati pubbliċi u privati kollha biex jimplimentawha b’mod sħiħ.

4.3.2

Il-parti leġislattiva tal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari li temenda diversi direttivi dwar l-iskart iddgħajfet biċ-ċar meta mqabbla mal-proposta li saret fl-2014. Il-KESE jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni wkoll mhijiex ambizzjuża daqs il-miri dwar il-prevenzjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ mitluba mill-Parlament Ewropew f’Lulju 2015 (26).

4.3.3

Il-proposta ta’ obbligu li l-Istati Membri jintroduċu strumenti ekonomiċi biex jippromovu l-ġerarkija tal-iskart (27) u li jieħdu miżuri ta’ prevenzjoni tal-iskart (28) għandha tiġi apprezzata. Madankollu, mhuwiex ċar jekk l-Istati Membri hux se jkollhom jirrevedu l-programmi ta’ prevenzjoni tal-iskart eżistenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet il-ġodda (29).

4.3.4

Il-KESE huwa tal-fehma li l-iskemi tal-EPR għandhom ikunu obbligatorji għall-adozzjoni mill-Istati Membri. Huwa jilqa’b’sodisfazzjon l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimi għall-iskemi tal-EPR fid-dawl tal-prestazzjonijiet differenti ħafna skemi tal-EPR fl-Istati Membri tal-UE. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jissaħħu biex ir-rekwiżiti minimi jiġu armonizzati aktar, b’mod partikolari billi jiġu ċċarati r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet interessati tul il-katina tal-valur kif ukoll ir-responsabbiltà finanzjarja tagħhom. Barra minn hekk, il-leġislaturi għandhom jikkunsidraw jinkludu rekwiżiti speċifiċi tal-EPR fid-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ (30) biex jagħmluhom aktar effettivi.

4.3.5

Il-KESE jinnota li l-Parlament kien talab għal miri ta’ prevenzjoni għall-iskart muniċipali, kummerċjali u industrijali, iżda l-proposta leġislattiva ma tipprevedi l-ebda wieħed minn dawn.

4.3.6

Il-miri tar-riċiklaġġ għall-iskart muniċipali u l-iskart mill-imballaġġ għall-2030 ġew imnaqqsa meta mqabbla mal-proposta preċedenti, minkejja li d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (31) jasal għar-riżultat li miri tar-riċiklaġġ ogħla huma assoċjati ma’ ffrankar ta’ flus akbar u ma’ benefiċċji soċjali u ambjentali akbar (32). Huwa rikonoxxut li l-Kummissjoni waqqfet strateġija ta’ implimentazzjoni elaborata li tindirizza ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Istati Membri individwali u tikkombina l-miżuri ma’ strumenti finanzjarji tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE u strumenti oħra (33).

4.3.7

L-Irlanda għamlet progress mgħaġġel, fi żmien 10 snin, u, minn madwar 100 % tal-iskart imur f’miżbliet, irnexxielha tilħaq il-miri kollha tar-riċiklaġġ tagħha. Hemm pjan ta’ prevenzjoni tal-iskart, u 3 pjani tal-iskart reġjonali fis-seħħ. L-Irlanda kienet fost ta’ quddiem fid-dinja fl-introduzzjoni ta’ taxxa fuq il-basktijiet tal-plastik, li llum il-ġurnata ġiet introdotta madwar id-dinja. Għad hemm diffikultajiet li jridu jingħelbu, bħall-kontroll kważi sħiħ tal-attivitajiet tal-ġestjoni tal-iskart mis-settur privat, u s-sostituzzjoni tar-rimi f’miżbliet bl-inċinerazzjoni f’wisq każijiet. Bħala mudell għal dak li jista’ jinkiseb malajr, l-Irlanda għadha eżempju tajjeb ħafna. Dan jenfasizza n-nuqqas ta’ ħtieġa għal tali deroga ġenerali għall-kisba tal-miri għal ħames snin addizzjonali għal ċerti Stati Membri.

4.3.8

Il-ġbir separat ta’ flussi ta’ skart jidher indispensabbli sabiex jiġi żgurat li ċ-ċrieki jingħalqu b’materja prima sekondarja ta’ kwalità għolja. L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart jesiġi skemi tal-ġbir separati għal tal-anqas il-karta, il-metall, il-plastik u l-ħġieġ sal-2015. Il-proposta preċedenti saħħet dan bl-introduzzjoni ta’ ġbir separat għall-bijoskart sal-2025, b’konformità mal-Artikolu 25. Minflok dawn ir-rekwiżiti stretti tal-ġbir separat tal-iskart, il-proposta l-ġdida tinvolvi biss dispożizzjoni “li ma torbotx” — u fil-prattika anqas effettiva — “fejn teknikament, ambjentalment u ekonomikament fattibbli u xieraq”. Il-KESE jitlob biex din tissaħħaħ. Peress li d-dispożizzjoni l-ġdida dwar il-ġbir separat tal-bijoskart ser tidħol fis-seħħ mingħajr perjodu ta’ tranżizzjoni adegwat, tali “klawżola ta’ salvagwardja” espliċita tista’ twassal, fil-livell tal-Istati Membri, biex l-ambizzjoni ma tintlaħaqx għalkollox, mil-lat prattiku.

4.3.9

Huwa importanti li wieħed jinnota li rati tar-riċiklaġġ għolja waħedhom mhux ser jikkonservaw ir-riżorsa fix-xenarju tal-prodotti li jinbiegħu malajr, bħal kontenituri tal-aluminju għax-xarbiet, b’ċiklu tal-ħajja mill-produzzjoni sar-rimi ta’ bejn 3 ġimgħat u 6 xhur (34).

4.3.10

Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tarmonizza d-definizzjonijiet u l-metodoloġiji ta’ kalkolu biex jiġi żgurat il-ġbir ta’ data affidabbli u paragunabbli. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li d-definizzjonijiet proposti, b’mod partikolari d-definizzjonijiet tal-“preparazzjoni għall-użu mill-ġdid” u l-“proċess tar-riċiklaġġ finali” (35), ma joħolqux xkiel u/jew ostakli għall-partijiet interessati ekonomiċi involuti fl-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ. Dawn id-definizzjonijiet għandhom minflok jirriflettu mill-qrib il-ħtiġijiet tagħhom u jgħinu biex jiġu żviluppati l-attivitajiet tagħhom.

4.4    Minn skart għal riżorsi

4.4.1

Bl-inċertezza dwar il-kwalità tal-materja prima sekondarja u l-inċertezzi legali fl-interazzjoni tal-leġislazzjoni dwar l-iskart, il-prodotti u s-sustanzi kimiċi, il-Kummissjoni qed tindirizza ostakli kbar għall-funzjonament tas-suq tal-materja prima sekondarja. Il-Kummissjoni ma tevalwax għala l-istrument tad-Direttiva 2008/98/KE attwali dwar l-iskart, l-istabbiliment ta’ kriterji “tmiem tal-iskart” ma rnexxiex.

4.4.2

Għandu jkun hemm distinzjoni bejn ir-responsabbiltà għall-prestazzjoni tal-prodotti u l-garanziji\l-obbligazzjonijiet assoċjati u r-responsabbiltà għall-partijiet komponenti tal-prodotti. Tal-ewwel ser tixpruna l-bidla fl-imġiba tal-konsumaturi. Tal-aħħar hija kruċjali għall-preservazzjoni tar-riżorsi, u għat-tneħħija tal-iskart mis-sistema. L-obbligazzjoni estiża għall-partijiet komponenti ta’ prodott ikun ifisser li r-riżorsi moħlija jibqa’ jkollhom sid mhux biss b’responsabbiltà imma wkoll b’vantaġġ kompetittiv għall-użu mill-ġdid tar-riżorsa.

4.4.3

Huma meħtieġa miżuri aktar b’saħħithom biex tiżdied id-domanda għal materja prima sekondarja. Il-Kummissjoni kienet impenjat ruħha fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi għal miżuri aktar ambizzjużi, bħall-valutazzjoni tal-introduzzjoni ta’ “rati ta’ materjal riċiklat” minimi għall-prodotti ewlenin.

4.4.4

It-titjib fl-użu tal-materja prima sekondarja fil-produzzjoni ta’ prodotti ġodda tista’ tkun ukoll qasam għal sħubijiet pubbliċi-privati fil-livell tal-UE, bħall-Isħubija għall-Innovazzjoni Ewropea dwar il-Materja Prima. Ċerti setturi Ewropej jidhru li huma lesti għal impenji b’rabta mal-ekonomija ċirkolari. Pereżempju, l-industrija tal-karta Ewropea dan l-aħħar ħabbret li ser timpenja ruħha li żżid ir-rata attwali tar-riċiklaġġ tal-karti ta’ kważi 72 % (36).

4.5    Oqsma ta’ prijorità

Il-KESE jieħu nota tal-allokazzjoni li tidher arbitrarja ta’ ħames oqsma ta’ prijorità, bl-esklużjoni notevoli tal-identifikazzjoni tal-“ilma” bħala qasam ta’ prijorità.

Plastik

4.5.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon it-tħabbir ta’ strateġija għall-plastik ippjanata għall-2017 u jistenna bil-ħerqa li jagħti kontribut dettaljat għal din l-istrateġija.

4.5.2

Ser ikun kruċjali li tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-tniġġis marittimu mill-plastik f’din l-istrateġija u ser jinħtieġu miri speċifiċi f’dan il-qasam. L-azzjoni speċifika biex jitnaqqas l-iskar tal-baħar identifikata fl-anness, b’konformità mal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli, ser tittejjeb ħafna bl-iffissar ta’ mira kwantifikabbli fl-istrateġija dwar il-plastik.

4.5.3

Hemm ukoll opportunità li tiġi indirizzata l-kwistjoni tas-sjieda u l-EPR speċifikament fir-rigward tal-plastik. Dan huwa kruċjali peress li bħalissa qed ngħixu f’epoka ġeoloġika, l-Antropoċenu, li x’aktarx ser tkun uffiċjalment rikonoxxuta mil-livelli tal-plastik fis-saffi ġeoloġiċi li qed jiġu ffurmati issa.

Ħela tal-ikel

4.5.4

Il-KESE ma jaċċettax li l-kejl tal-ikel mormi huwa diffiċli wisq biex isir u lanqas li għadu kmieni wisq biex tiġi stabbilita mira f’dan il-qasam. Ix-xogħol dwar l-istabbiliment tal-kriterji għall-valutazzjoni tal-livelli ta’ ħela tal-ikel li sar diġà (37).

4.5.5

Ir-referenza għall-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli mhijiex biżżejjed waħidha biex jinkiseb tnaqqis fil-ħela tal-ikel. L-istadji importanti għandhom jiġu inklużi bi skedi ta’ żmien biex jintlaħqu, sabiex il-progress ikun jista’ jitkejjel sas-sena 2030, b’evalwazzjonijiet interim.

Materja prima kritika

4.5.6

L-eżempju li jissemma ta’ spiss tal-mowbajl jenfasizza l-kwistjoni dwar l-irkupru tal-materja prima kritika. Tali prodott ubikwu ser iservi ta’ barometru interessanti għas-suċċess ta’ ħafna aspetti tal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari, mill-ekodisinn sal-obsolenza u l-irkupru ta’ materja prima kritika.

Xogħol ta’ bini u twaqqigħ tal-bini

4.5.7

L-għażla tal-irdim għandha titneħħa.

4.5.8

Bini eżistenti għandu jiġi ġestit bħala r-riżorsa li jikkostitwixxi, u għandhom jiġu stabbiliti strateġiji sabiex isir l-aqwa użu mill-ġdid u riċiklaġġ possibbli tar-riżorsi abbundanti li fih.

Oqsma oħra

4.5.9

L-ilma bħala riżorsa għandu jkun parti importanti tal-ekonomija ċirkolari (38). L-użu ta’ ċrieki magħluqa, it-tnaqqis tal-iskart, u t-tneħħija ta’ sustanzi li jniġġsu huma aspetti essenzjali tal-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma f’mudell ċirkolari. Jinħtieġu dettalji ta’ kif se jsir dan.

4.6

Il-monitoraġġ tal-progress lejn ekonomija ċirkolari

4.6.1

Fil-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari preċedenti (39), il-Kummissjoni kienet ħabbret li kienet ser tivvaluta r-rakkomandazzjoni tal-Pjattaforma għall-Użi Effiċjenti tar-Riżorsi li tiġi intrododtta mira ewlenija għall-effiċjenza fir-riżorsi fir-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Dan ikun mod biex dan l-aspett jiġi integrat f’setturi ewlenin tal-politika. Ir-riżultat ta’ dawn il-valutazzjonijiet għandu jiġi ppubblikat u għandha tiġi żviluppata metrika użabbli għall-monitoraġġ tal-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari.

4.6.2

Il-proċess tas-Semestru Ewropew huwa mekkaniżmu eżistenti li jista’ juża kemm l-Analiżi Speċifika għall-Pajjiż tal-Isfidi fl-Investiment, kif ukoll ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż biex juża d-data mill-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali u bażijiet ta’ data oħra biex tiġi promossal-implimentazzjoni tal-inizjattivi tal-ekonomija ċirkolari u t-tranżizzjoni mill-mudell lineari attwali li mhuwiex sostenibbli. Il-proċess tas-Semestru Ewropew u s-sett ta’ għodod tiegħu għandhom jintużaw bħala l-istrumenti tal-politika biex jiġu xprunati l-implimentazzjoni u l-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari. It-tħaddir mill-ġdid tal-proċess tas-Semestru Ewropew huwa element kritiku biex jintlaħqu l-miri stabbiliti. Il-KESE jitlob li ssir valutazzjoni tat-tneħħija gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, u l-inklużjoni ta’ rakkomandazzjoni li għażliet fiskali għandhom jintużaw sabiex tiġi promossal-ekonomija ċirkolari, bħall-użu ta’ taxxi ambjentali.

4.6.3

In-natura transsettorjali tal-Ekonomija Ċirkolari titlob li jiġi stabbilit korp tal-monitoraġġ transsettorjali. Dan ikun jeħtieġ li jkollu mandat biex jeżamina l-integrazzjoni orizzontali meħtieġa kif ukoll l-integrazzjoni vertikali meħtieġa biex jiġi implimentat il-pjan ta’ azzjoni.

4.6.4

Kull Stat Membru għandu jidentifika punt ta’ kuntatt speċifiku għar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni għat-tranżizzjoni sabiex din isseħħ fuq l-iskala li l-Kummissjoni identifikat bħala meħtieġa.

Brussell, is-27 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  SWD(2015) 259 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 99.

(3)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 99, b’mod partikolari punt 5.

(4)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 23.

(5)  Ara, pereżempju, il-proġett FP7 EU FUSIONS: http://www.eu-fusions.org/index.php

(6)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 99, b’mod partikolari punt 4.

(7)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1.

(8)  COM(2011) 571 final.

(9)  Deċiżjoni 1386/2013/UE.

(10)  Ellen MacArthur Foundation, McKinsey, “Growth within: A circular economy vision for a competitive Europe”, p. 32, p. 39, http://www.mckinsey.com/client_service/sustainability/latest_thinking/growth_within_-_a_circular_economy_vision_for_a_competitive_europe

(11)  Għal sfidi sistematiċi, ara l-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent, “The European environment – State and Outlook 2015”, rapport ta’ sinteżi, 2015, p. 141, http://www.eea.europa.eu/soer

(12)  SWD(2015) 259 final.

(13)  Eżempji proposti għar-referenza jinkludu: Ellen MacArthur Foundation, McKinsey, “Growth within”, op. cit., p. 34, tabella 1, dokumentazzjoni magħżula dwar l-impatt makroekonomiku tal-ekonomija ċirkolari, inkluż “Circular Economy & Benefits for Society”, rapport mill-Club of Rome, Ottubru 2015 (EN), http://www.clubofrome.org/?p=8851

(14)  http://ec.europa.eu/environment/resource_efficiency/re_platform/index_en.htm.

(15)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 99, punt 1.3.

(16)  COM(2015) 614/2, p. 20.

(17)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 99, punt 4 u ĠU C 230, 14.7.2015, p. 91, punti 1.5 u 4.8.

(18)  COM(2014) 446 final.

(19)  Parlament Ewropew, Leasing Society, Novembru 2012, studju disponibbli hawnhekk: http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/etudes/join/2012/492460/IPOL-ENVI_ET%282012%29492460_EN.pdf

(20)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 99, b’mod partikolari punt 5.

(21)  2009/125/KE.

(22)  COM(2011) 571 final, Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, Kapitolu 5.

(23)  ĠU C 67, 06/03/2014, p. 26. Ara wkoll SIRCOME Agency, l-Università ta’ South Brittany u l-Università tal-Boħemja t’Isfel, “The Influence of Lifespan Labelling on Consumers”, studju kkummissjonat mill-KESE, Marzu 2016.

(24)  Kapitolu 3.1.

(25)  ĠU C 177, 11.6.2014, p. 1.

(26)  A8-0215/2015.

(27)  Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/98/KE.

(28)  Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/98/KE.

(29)  Artikolu 29 tad-Direttiva 2008/98/KE.

(30)  Direttiva (UE) 2015/720.

(31)  SWD(2015) 259 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(32)  SWD(2015) 259 final, pp. 13, 15 u 17 (mhux disponibbli bil-Malti).

(33)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, SWD(2015) 260 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(34)  Ir-rapport tal-EEA dwar l-Ekonomija Ċirkolari, paġna 25.

(35)  Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/98/KE.

(36)  http://www.cepi.org/pressrelease/CircularEconomyDec2015

(37)  Ara, pereżempju, il-proġett FP7 EU FUSIONS: http://www.eu-fusions.org/index.php

(38)  Kummissjoni Ewropea, “The Junction of Health, Environment and the Bioeconomy: Foresight and Implications for European Research & Innovation Policies”, 2015, p. 43.

(39)  COM(2014) 398 final, p. 14.


20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/110


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess ta’ prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta’ pajjiżi terzi

[COM(2016) 34 final – 2012/0060 (COD)]

(2016/C 264/15)

Relatur:

Mário SOARES

Nhar id-29 ta’ Jannar 2016 u nhar l-4 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 207 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess ta’ prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta’ pajjiżi terzi

[COM(2016) 34 final – 2012/0060 (COD)].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’223 vot favur, 3 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-UE kompliet twetttaq integrazzjoni u liberalizzazzjoni ulterjuri tas-swieq pubbliċi Ewropej waqt ir-reviżjoni tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA), fin-negozjati kummerċjali ma’ pajjiżi terzi u fil-kuntest tal-ftehimiet kummerċjali konklużi reċentement mill-Unjoni Ewropea. Dawn ir-riformi wasslu għal aktar ftuħ tas-swieq pubbliċi Ewropej għall-intrapriżi ta’ pajjiżi żviluppati u emerġenti, filwaqt li dawn il-pajjiżi ma weġbux għal dan il-ftuħ b’offerta ekwivalenti u l-kumpaniji Ewropej għadhom jiffaċċjaw prattiki restrittivi u diskriminatorji fil-pajjiżi terzi. Dan il-ftuħ huwa dejjem iktar neċessarju billi l-akkwist pubbliku jirrappreżenta madwar 20 % tal-PDG globali, u li, fil-kuntest tal-kriżi attwali, l-investimenti pubbliċi f’infrastrutturi u l-kuntratti ta’ xogħlijiet u ta’ forniment f’ekonomiji żviluppati u emerġenti huma wieħed mill-fatturi prinċipali għat-tkabbir ekonomiku fis-snin li ġejjin.

1.2

F’bosta opinjonijiet, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) tkellem favur l-objettiv li stabbiliet l-UE għal aktar ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku tal-pajjiżi kollha għall-kompetizzjoni internazzjonali. Il-Kumitat insista wkoll fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata s-semplifikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku, b’mod partikolari għall-SMEs, iżda wkoll fuq il-konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza, nondiskriminazzjoni u trattament ugwali. Barra minn hekk, talab diversi drabi, li d-dimensjonijiet soċjali u ambjentali, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-protezzjoni tal-konsumaturi jiġu debitament imsaħħa fit-tmexxija tal-politika kummerċjali Ewropea f’konformità mal-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, li jitlob għal aktar konsistenza mal-prinċipji u l-objettivi tal-Unjoni.

1.3

Il-Kumitat jifhem it-tħassib tal-Kummissjoni li tixtieq tiżgura aktar ftuħ tal-akkwist pubbliku għall-kumpaniji Ewropej f’pajjiżi terzi u huwa konxju tal-lieva li tista’ tirrappreżenta l-proposta għal regolament emendat dwar l-aċċess ta’ prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni, li huwa s-suġġett ta’ din l-opinjoni.

1.4

Il-Kumitat jemmen li l-proposta għal Regolament tista’ tkun l-ewwel pass biex jiġi żgurat ftuħ akbar għall-akkwist pubbliku partikolarment fin-negozjati li għaddejjin bħalissa fil-qafas tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) bejn l-UE u l-Istati Uniti, kif ukoll fil-qafas tan-negozjati għal ftehim kummerċjali mal-Ġappun, jew dak tan-negozjati ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-ftehim dwar l-akkwist pubbliku tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), bħala pajjiżi li għandhom swieq pubbliċi anqas miftuħin minn dawk tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll fir-rigward ta’ pajjiżi li mhumiex firmatarji tal-GPA bħar-Russja, il-Brażil u l-Arġentina.

1.5

Madankollu, il-Kumitat jirrikonoxxi li jeżistu differenzi kbar fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew kemm dwar ir-rilevanza kif ukoll l-effettività tar-Regolament propost.

1.6

Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa assoluta li tkun garantita li l-kompetizzjoni mal-intrapriżi tal-pajjiżi terzi fil-qafas tal-akkwist pubbliku tkun libera u mhux imxekkla. Il-KESE jiddubita madankollu li l-proposta għal Regolament attwali tista’ tilħaq l-għan ta’ ftuħ bilanċjat tas-swieq pubbliċi fil-pajjiżi terzi. Il-Kumitat iqis b’mod partikolari li l-proposta għal Regolament il-ġdida hija nieqsa mill-ambizzjoni minħabba l-ambitu limitat tagħha għal aġġustament sempliċi fil-prezz għall-kuntratti li l-valur ikun ikbar minn jew ugwali għal EUR 5 miljun, u jinnota li huma biss 7 % tal-kuntratti pubbliċi kollha li għandhom valur ta’ aktar minn EUR 5 miljun. Bl-istess mod, huwa jemmen li l-piena li tista’ tilħaq l-20 % tal-prezz tal-offerti mhix biżżejjed u għandha tiġi eżaminata każ b’każ. Il-Kumitat jissuġġerixxi li jiġu applikati miżuri ta’ aġġustament tal-prezzijiet għal kuntratti b’valur stmat daqs jew aktar minn EUR 2 500 000.

1.7

Il-Kumitat jistaqsi wkoll jekk il-projbizzjoni imposta fuq l-Istati Membri milli japplikaw miżuri restrittivi li jmorru lil hinn minn dawk stabbiliti fir-Regolament tfissirx fil-fatt il-liberalizzazzjoni bla reciproċità tal-akkwist pubbliku taħt il-limitu ta’ EUR 5 miljun għall-intrapriżi ta’ pajjiżi terzi. Il-Kumitat għalhekk jargumenta favur il-ħtieġa imperattiva ta’ ftuħ ibbilanċjat u reċiproku tas-swieq tal-akkwist pubbliku bejn l-UE u l-Istati terzi.

1.8

Il-Kumitat jiddispjaċih li l-proposta għal Regolament ma fiha l-ebda referenza għall-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli filwaqt li l-Kummissjoni inkludiet dan l-objettiv bħala element importanti tal-komunikazzjoni tagħha “Kummerċ għal Kulħadd”, u ħabbret diversi drabi li hija ikkunsidrat l-iżvilupp sostenibbli fl-aspetti kollha rilevanti tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (enerġija, materja prima u akkwist pubbliku) (1).

1.9

Il-Kumitat jinnota b’dispjaċir it-tħassir tal-Artikoli 85 u 86 tad-Direttiva 2014/25/UE fir-Regolament il-ġdid, billi dawn huwa aktar ambizzjużi u aktar konformi mal-għan tal-kunsiderazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, billi dawn jinkorporaw dimensjoni soċjali marbuta mad-diffikultajiet tal-intrapriżi Ewropej biex jirbħu kuntratti pubbliċi fil-pajjiżi terzi minħabba fin-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet internazzjonali tal-liġi tax-xogħol f’dawn il-pajjiżi. Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li jkun utli li jkompli jinvestiga l-possibilità ta’ integrazzjoni ta’ ċerti elementi fil-proposta għal Regolament attwali.

1.10

Il-Kumitat huwa wkoll tal-fehma li r-Regolament għandu jiżviluppa approċċ aktar ambizzjuż rigward il-promozzjoni tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-ħarsien tal-konsumatur fil-proċedura ta’ akkwist pubbliku f’pajjiżi terzi. Skont il-Kumitat, in-nonkonformità ma’ dawn ir-regoli fundamentali jista’ jkollha impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-industrija Ewropea, u jikkunsidra li d-definizzjoni ta’ “miżura jew prattika restrittiva” fl-Artikolu 2 tal-proposta għandha tindirizza n-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn ir-regoli fundamentali. Il-Kumitat jemmen ukoll li r-rapport li l-Kummissjoni għandha tippreżenta l-aktar tard fil-31 ta’ Diċembru 2018, u mill-inqas kull tliet snin (Art. 16 tal-proposta) għandu jiffoka mhux biss fuq l-aċċess tal-operaturi ekonomiċi għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku f’pajjiżi terzi, iżda wkoll fuq ir-rispett tar-regoli soċjali u ambjentali fil-proċeduri ta’ akkwist f’pajjiżi terzi, kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-ħarsien tal-konsumatur; ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament għandu jikkunsidra dan ukoll.

1.11

Il-KESE jitlob li l-proposta attwali għal Regolament tenfasizza l-esigenza li l-kumpaniji ta’ pajjiżi terzi li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku fl-UE huma obbligati mir-rispett tad-dispożizzjonijiet għall-promozzjoni tal-konformità tal-iżvilupp sostenibbli u t-tisħiħ tad-dimensjonijiet soċjali u ambjentali kif ukoll tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, il-ħarsien tal-konsumaturi, u l-integrazzjoni jew ir-reintegrazzjoni soċjali u professjonali tal-persuni b’diżabbiltà, stabbiliti fid-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE dwar l-akkwist pubbliku. Dan huwa vitali biex tiġi żgurata kompetizzjoni libera u mhux imxekkla fis-suq intern.

1.12

Il-Kumitat huwa totalment favur in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli għall-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-aktar vulnerabbli tar-Regolament SĠP (Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi) (2), iżda jfakkar lill-Kummissjoni li miżuri addizzjonali għandhom jittieħdu sabiex jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-aktar vulnerabbli fl-akkwist pubbliku fl-UE.

1.13

Il-Kumitat japprova wkoll in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament għall-SMEs Ewropej. Madankollu, jixtieq ifakkar lill-Kummissjoni li l-SMEs jeħtieġu għajnuna partikolari, kemm sabiex jaċċessaw is-swieq “transkonfinali” fl-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-aċċess għall-akkwist pubbliku fil-pajjiżi terzi.

2.   Sfond

2.1

Il-KESE intalab l-Opinjoni tiegħu kemm mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mill-Parlament Ewropew dwar il-proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess ta’ prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta’ pajjiżi terzi.

2.2

L-infiq fuq l-akkwisti pubbliċi huwa ġeneralment stmat għal madwar 20 % tal-PDG dinji. Fil-kuntest tal-kriżi attwali, l-investimenti pubbliċi f’infrastrutturi u l-kuntratti ta’ xogħlijiet u ta’ forniment f’ekonomiji żviluppati u emerġenti huma probabbilment wieħed mill-fatturi prinċipali għat-tkabbir ekonomiku fis-snin li ġejjin.

2.3

Il-KE gradwalment żiedet l-integrazzjoni tal-akkwist pubbliku u għamlithom aktar miftuħa permezz ta’ aktar liberalizzazzjoni tas-swieq pubbliċi Ewropej waqt ir-reviżjoni tal-Ftehim dwar il-Kuntratti Pubbliċi (GPA) tad-WTO, li daħal fis-seħħ f’April 2014, kif ukoll fin-negozjati kummerċjali ma’ pajjiżi terzi [b’mod partikolari fil-qafas tal-ftehimiet kummerċjali konklużi reċentement mill-Unjoni Ewropea (pereżempju, il-ftehimiet bejn l-UE u l-Korea, l-UE u l-Amerika Ċentrali, l-UE u l-Kolombja/Perù, l-UE u l-Moldova, l-UE u l-Ġeorġja, l-UE u l-Ukraina)].

2.4

Madankollu, il-kumpaniji Ewropej għadhom jaffrontaw prattiki restrittivi u diskriminatorji fil-pajjiżi terzi. Dawn il-prattiki huma kkawżati minn diversi fatturi:

Xi pajjiżi oħra firmatarji tal-GPA (iffirmat minn 43 membru tad-WTO) naqsu milli jieħdu impenji daqstant sinifikanti bħall-UE. B’hekk, l-UE fetħet 80 % tas-swieq tal-akkwist pubbliku tagħha, filwaqt li l-pajjiżi żviluppati l-oħra fetħu 20 % biss. L-Unjoni tiftaħ is-suq tal-akkwist pubbliku tagħha għal ammont ta’ madwar EUR 352 biljun għall-offerenti minn pajjiżi firmatarji tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA), filwaqt li l-akkwist pubbliku fil-livell dinji huwa magħluq għal aktar minn 50 % tal-valur tiegħu, li jwassal għat-twettiq ta’ EUR 10 biljun biss ta’ esportazzjonijiet mill-UE u t-telf f’termini ta’ esportazzjonijiet huwa stmat għal EUR 12-il biljun;

Iċ-Ċina għadha qed tinnegozja l-adeżjoni tagħha fil-ftehim, għalkemm hi diġà impenjat ruħha biex tiżgura l-inklużjoni tal-ftehim meta ngħaqdet mad-WTO fl-2001. Ir-Russja kkommettiet ruħha wkoll li tiftaħ in-negozjati għall-adeżjoni għall-ftehim fi żmien erba’ snin mill-adeżjoni tagħha mad-WTO fl-2012. L-integrazzjoni tar-Russja fil-ftehim GPA jista’ jieħu aktar żmien minn dak taċ-Ċina;

għadd ta’ parteċipanti kbar, membri tal-G20 (il-Brażil, l-Indja, l-Arġentina) ma jixtiqux jingħaqdu mal-GPA, u n-negozjati bilaterali ma’ dawn il-pajjiżi ma jidhirx li se jintemmu dalwaqt.

2.5

Jeħtieġ li nosservaw ukoll li numru kbir ta’ msieħba kummerċjali tal-Unjoni Ewropea għandhom preferenzi għall-produtturi tagħhom jew prodotti domestiċi, jew preferenzi favur intrapriżi żgħar u medji (eż. “Buy American Act” fl-Istati Uniti, “Buy Chinese policy” fiċ-Ċina, marġnijiet preferenzjali imposti mil-liġi fil-Brażil, preferenzi nazzjonali fil-livell reġjonali fl-Awstralja), li jeskludi de facto l-kumpaniji tal-Unjoni Ewropea mill-parteċipazzjoni f’dawn is-swieq pubbliċi (3).

2.6

Fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi miftuħa għall-kompetizzjoni f’pajjiżi terzi, il-kumpaniji Ewropej spiss ma jkunux jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fis-sejħiet għall-offerti pubbliċi minnħabba ostakoli li “jaqbżu l-fruntieri” (bħal regoli ta’ ċertifikazzjoni u standardizzazzjoni differenti, proċeduri ta’ liċenzji, proċeduri mhux trasparenti u diskriminatorji, eċċ.) u li huma aktar kumplessi u joħolqu sfidi mill-perspettiva teknika fir-rigward tal-identifikazzjoni, l-analizi u t-tneħħija tagħhom hija itwal u fejn l-istandards u l-prattiki tagħhom huma restrittivi. Dan diġà ġie indikat f’Opinjoni preċedenti tal-Kumitat.

2.7

F’dan il-kuntest diffiċli minħabba n-nuqqas ta’ lieva biex jinkiseb ftuħ sinifikanti tas-swieq pubbliċi fil-pajjiżi terzi, l-Unjoni Ewropea ilha tipprova għal diversi snin tfassal strument li jipprevedi l-possibbiltà li jiġu introdotti restrizzjonijiet fin-nuqqas ta’ reċiproċità jew fil-każ ta’ miżuri restrittivi u diskriminatorji imposti fuq l-intrapriżi Ewropej minn pajjiżi terzi.

2.8

Madankollu għandu jiġi nnutat li l-UE kellha u għandha l-possibbiltà li tillimita l-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku fl-Unjoni Ewropea għall-intrapriżi tal-pajjiżi li ma jagħtux trattament identiku għal dak li l-intrapriżi ta’ dawn il-pajjiżi għandhom fl-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali. Madankollu, hija qatt ma użatha. Fil-fatt, id-Direttiva 2004/17/KE (emendata mid-Direttiva 2014/25/UE li tidħol fis-seħħ fit-18 ta’ April 2016) tipprevedi l-possibbiltà ta’ rifjut ta’ offerti li jinkludu aktar minn 50 % tal-prodotti li joriġinaw f’pajjiż terz li miegħu l-Unjoni ma kkonkludietx impenji internazzjonali (Artikolu 58), u l-possibilità għall-Kummissjoni (Artikolu 59) li tipproponi li l-Kunsill jiddeċiedi, għal xi żmien, li jissospendi jew jirrestrinġi l-aċċess għas-swieq pubbliċi fl-Unjoni Ewropea għal pajjiżi li ma jagħtux trattament identiku għal dak li għandhom l-intrapriżi ta’ dawn il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, jew għall-pajjiżi fejn dawn id-diffikultajiet huma relatati man-nuqqas ta’ konformità ma’ standards internazzjonali relatati max-xogħol. Dawn id-dispożizzjonijiet ittennew fl-Artikoli 85 u 86 tad-Direttiva 2014/25/UE.

2.9

Min-naħa tagħha, id-Direttiva ġenerali dwar l-akkwist pubbliku 2004/18/KE (kif emendata bid-Direttiva 2014/24/UE) ma fihiex dispożizzjonijiet simili; għalhekk, il-prattiki differenti kienu u baqgħu jeżistu fil-pajjiżi membri differenti kemm għall-offerenti barranin kif ukoll għall-offerti li jinkludu prodotti u servizzi minn pajjiżi terzi. F’xi Stati Membri, kien hemm trattament ugwali, fi Stati Membri oħrajn, dan kien jiddependi fuq l-eżistenza jew le ta’ obbligi internazzjonali li jirriżultaw mill-ftehim dwar l-akkwisti pubbliċi tad-WTO jew trattati bilaterali.

2.10

Sabiex tirrimedja għan-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet fid-Direttiva ġenerali dwar l-akkwist pubbliku u l-fatt li ċerti pajjiżi terzi ma ridux jiftħu s-swieq tal-akkwist pubbliku tagħhom għall-kompetizzjoni internazzjonali iżda jibbenefikaw minn aċċess relattivament faċli għas-suq Ewropew, il-Kummissjoni, fl-2012, għamlet proposta għal Regolament li tintroduċi ċertu reċiproċità fl-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku.

2.11

L-ewwel proposta tal-Kummissjoni fl-2012 fakkret fil-prinċipju ġenerali li, fis-suq intern tal-UE, il-prodotti u s-servizzi barranin li jibbenefikaw minn impenji tal-UE dwar l-aċċess tas-suq jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-prodotti u s-servizzi mill-UE fil-proċeduri ta’ akkwist; din estendiet ukoll dan it-trattament għal prodotti u servizzi minn pajjiżi l-anqas żviluppati.

Għall-prodotti u servizzi li ma jibbenefikawx minn impenji għall-aċċess għas-suq, il-proposta kienet ibbażata fuq żewġ pilastri:

Il-pilastru deċentralizzat (Artikolu 6) li jippermetti lill-entità kontraenti tinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tirrifjuta ċerti offerti li fihom il-valur ta’ prodotti u servizzi mhux koperti minn impenji internazzjonali jirrappreżenta aktar minn 50 % tal-valur totali tal-prodotti u servizzi inklużi fl-offerta. Il-Kummissjoni setgħet tagħti l-kunsens tagħha fil-każ tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ reċiproċità sostanzjali bejn l-UE u l-pajjiż li minnu jkunu oriġinaw il-prodotti u/jew is-servizzi. Il-Kummissjoni approvat din l-esklużjoni meta l-prodotti u s-servizzi kkonċernati jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ riżervazzjoni tas-suq mill-UE fi ftehim internazzjonali.

Il-mekkaniżmu ċentralizzat (Artikolu 8 sa 13) li kien jippermetti lill-Kummissjoni li tibda investigazzjoni. Din l-investigazzjoni setgħet tinbeda mill-Kummissjoni fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru jew xi parti interessata sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ prattiki restrittivi tal-akkwist pubbliku f’pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni setgħet tikkonsulta mal-pajjiż ikkonċernat biex issolvi din il-problema u biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-aċċess tal-intrapriżi tal-UE għas-suq ta’ dak il-pajjiż jew, f’każ li dan ma jirnexxix, timponi miżuri restrittivi ta’ natura temporanja. Dawn il-miżuri restrittivi setgħu, fil-prinċipju, jikkonsistu, jew jeskludu ċerti offerti li jikkostitwixxu aktar minn 50 % ta’ prodotti jew servizzi li joriġinaw fil-pajjiż terz ikkonċernat (għeluq tas-suq Ewropew), jew japplikaw penali obbligatorja fuq dawk il-prodotti jew servizzi offerti li joriġinaw mill-pajjiż terz inkwistjoni. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni kellha tiġi konkluża f’perjodu ta’ 9 xhur. Dan il-perjodu seta’ jiġi estiż bi 3 xhur f’każijiet ġustifikati.

2.12

Il-Parlament adotta r-rapport tiegħu fl-2014 (4) fejn wera oppożizzjoni għall-proċedura deċentralizzata. Skont il-Parlament, il-Kummissjoni biss, u mhux l-awtoritajiet lokali, tista’ tiddeċiedi li teskludi offerta, peress li l-kummerċ internazzjonali huwa kompetenza esklużiva tal-UE. Għaldaqstant, ippropona integrazzjoni tal-proċedura deċentralizzata fil-proċedura ċentralizzata. Punti oħra ta’ diverġenza tqajmu wkoll, bħan-nuqqas ta’ reċiproċità fir-rigward tal-osservanza tar-regoli soċjali u ambjentali u l-istandards bażiċi tal-ILO, in-nuqqas ta’ definizzjoni tan-nuqqas ta’ reċiproċità sostanzjali, il-Parlament jipproponi wkoll preżunzjoni tan-nuqqas ta’ reċiproċità f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali tax-xogħol. Il-Parlament esprima wkoll tħassib dwar il-fatt li r-Regolament ma ddefendiex ir-regoli ambjentali u soċjali Ewropej.

2.13

Min-naħa tiegħu, l-ewwel qari tal-Kunsill ma wassalx għal deċiżjoni. Ħmistax-il Stat Membru ma qablux mal-proposta u ffurmaw minoranza li timblokka. L-aktar importanti fost dawn kienu l-Ġermanja, ir-Renju Unit, in-Netherlands u l-Isvezja, kif ukoll ċerti pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant. Huma esprimew il-biża’ li dan l-istrument jiġi pperċepit bħala protezzjonist fil-livell dinji. Il-pajjiżi li appoġġaw il-proposti, immexxija minn Franza, kisbu diskussjoni teknika fl-2014 u kien hemm tama li huwa possibbli li jintlaħaq kunsens matul il-Presidenza Taljana (fit-tieni nofs tal-2014). Sfortunatament dan ma kienx il-każ u l-Kummissjoni adottat proposta riveduta f’Jannar (5), bit-tama li tmexxi l-impass fil-Kunsill.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-proposta l-ġdida intiża sabiex tikkoreġi ċerti konsegwenzi negattivi ta’ dik preċedenti. Fil-proposta l-ġdida, il-Kummissjoni neħħiet il-proċedura deċentralizzata li kienet ikkritikata ħafna billi timponi piż amministrattiv kbir u tiffavorixxi frammentazzjoni tas-suq intern. HIja telimina wkoll il-possibbiltà ta’ għeluq totali tas-suq Ewropew filwaqt li żżomm il-possibbiltà li timponi, wara investigazzjoni tal-Kummissjoni, penali finanzjarji ta’ 20 % għall-offerti li jikkostitwixxu aktar minn 50 % ta’ prodotti u servizzi li joriġinaw minn pajjiżi li għandhom prattiki restrittivi jew diskriminatorji. Din il-miżura ta’ aġġustament tal-prezzijiet tapplika biss għall-kuntratti li l-valur stmat tagħhom huwa daqs jew aktar minn EUR 5 miljun, li skont il-Kummissjoni jnaqqas ir-riskju ta’ ritaljazzjoni minn pajjiżi terzi. Il-proposta tipprevedi wkoll li l-miżura tal-aġġustament tal-prezzijiet mhux applikabbli la għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) Ewropej u lanqas għall-offerenti jew għall-prodotti li joriġinaw f’pajjiżi l-inqas żviluppati u l-aktar vulnerabbli kif definit mir-Regolament SĠP (Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi).

3.2

F’okkażjonijiet differenti, il-KESE tkellem favur l-objettiv tal-Unjoni Ewropea ta’ aktar ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku tal-pajjiżi kollha għall-kompetizzjoni internazzjonali, iżda l-Kumitat enfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu rispettati l-prinċipji tas-semplifikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku, tat-trasparenza, tan-nondiskriminazzjoni, tat-trattament ugwali, tar-responsabbiltà soċjali u ambjentali, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali (6).

3.3

Il-Kumitat jifhem it-tħassib tal-Kummissjoni li tixtieq tiżgura aktar ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku lill-intrapriżi Ewropej f’pajjiżi terzi. Il-Kumitat huwa tal-fehma wkoll li l-proposta ta’ regolament bħal dan tista’ tkun l-ewwel pass fin-negozjati li għaddejjin dwar l-akkwist pubbliku fil-qafas tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) bejn l-UE u l-Istati Uniti, kif ukoll fil-qafas tan-negozjati kummerċjali mal-Ġappun, u n-negozjati taċ-Ċina għall-ftehim GPA, bħala pajjiżi għandhom swieq pubbliċi anqas miftuħin dawk tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll fir-rigward ta’ pajjiżi li mhumiex firmatarji tal-GPA bħar-Russja, il-Brażil u l-Arġentina.

3.4

Il-KESE jiddubita madankollu li meta r-Regolament ikun adottat, ikun jista’ jippermetti li jintlaħaq l-għan tal-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku f’pajjiżi terzi. Il-Kumitat iqis li l-proposta għal regolament il-ġdid hija nieqsa mill-ambizzjoni minħabba l-ambitu mnaqqas tagħha; l-impatt tagħha dwar il-ftuħ tal-akkwist pubbliku f’pajjiżi terzi huwa inċert ħafna u x’aktarx li jkun limitat ħafna.

3.5

Skont il-Kummissjoni stess, 7 % biss tal-akkwist pubbliku kollu jiswa’ aktar minn EUR 5 miljun. Madanakollu dawn is-swieq jirrappreżentaw 61 % tal-valur tal-akkwist pubbliku tal-UE. Madankollu, minħabba li r-Regolament se japplika biss għal kuntratti li mhumiex koperti minn impenji internazzjonali tal-UE, għandu jiġi mistoqsi x’inhu l-proporzjon ta’ akkwist pubbliku li se jkun kopert, speċjalment wara l-adeżjoni taċ-Ċina mal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku u l-possibbiltà ta’ finalizzazzjoni tan-negozjati mal-Istati Uniti u l-Ġappun. Ir-riskju li l-applikazzjoni tkun ristretta għal għadd żgħir ħafna ta’ kuntratti u għal għadd żgħir ħafna ta’ pajjiżi tista’ tnaqqas b’mod sinifikanti l-interess tar-Regolament. Il-Kumitat jissuġġerixxi li jiġu applikati miżuri ta’ aġġustament tal-prezzijiet għal kuntratti b’valur stmat daqs jew aktar minn EUR 2 500 000.

3.6

Huwa wkoll ta’ dispjaċir li, fil-proposta għal Regolament, m’hemm l-ebda referenza għall-iżvilupp sostenibbli li l-Kummissjoni madankollu tenfasizza fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Kummerċ għal Kulħadd” fejn hija tgħid li hija “għandha tqis kunsiderazzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli fl-oqsma rilevanti kollha ta’ FTA (pereżempju, l-enerġija u l-materja prima jew l-akkwist pubbliku)” (7). Huwa meħtieġ li d-dimensjonijiet soċjali u ambjentali, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-protezzjoni tal-konsumaturi jiġu debitament imsaħħa fit-tmexxija tal-politika kummerċjali Ewropea f’konformità mal-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, li jitlob għal aktar konsistenza mal-prinċipji u l-objettivi tal-Unjoni.

3.7

Id-Direttivi l-ġodda 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet ifittxu li jippromovu rispett lejn l-iżvilupp sostenibbli u t-tisħiħ tad-dimensjonijiet soċjali u ambjentali kif ukoll tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, il-ħarsien tal-konsumaturi, u l-integrazzjoni jew ir-reintegrazzjoni soċjali u professjonali tal-persuni b’diżabbiltà. Dan huwa vitali biex tiġi żgurata kompetizzjoni libera u mhux imxekkla fis-suq intern. Il-KESE jqis li jkun utli li l-proposta għal Regolament attwali tenfasizza li l-kumpaniji ta’ pajjiżi terzi li jipparteċipaw fi proċeduri tal-akkwist pubbliku fl-UE huma obbligati jħarsu dawn id-dispożizzjonijiet.

3.8

Il-Kummissjoni ssemmi fil-fatt “miżuri jew prattiċi restrittivi”, iżda ma tagħmel l-ebda referenza għad-diffikultà li jiksbu kuntratti pubbliċi fil-pajjiżi terzi minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli soċjali u ambjentali mill-intrapriżi kompetituri, kif ukoll in-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-ħarsien tal-konsumatur. Skont il-Kumitat, in-nonkonformità ma’ dawn ir-regoli fundamentali jista’ jkollha impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-industrija Ewropea, u jikkunsidra li d-definizzjoni ta’ “miżura jew prattika restrittiva” fl-Artikolu 2 tal-proposta għandha tindirizza n-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn ir-regoli fundamentali. Il-Kumitat jemmen ukoll li r-rapport li l-Kummissjoni għandha tippreżenta l-aktar tard fil-31 ta’ Diċembru 2018, u mill-inqas kull tliet snin (Art. 16 tal-proposta) għandu jiffoka mhux biss fuq l-aċċess tal-operaturi ekonomiċi għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku f’pajjiżi terzi, iżda wkoll fir-rispett tar-regoli soċjali u ambjentali fil-proċeduri ta’ akkwist f’pajjiżi terzi, kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-ħarsien tal-konsumatur; ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament għandu jikkunsidra dan ukoll.

3.9

Wieħed jista’ jiddubita mis-suċċess ta’ dan ir-Regolament il-ġdid jekk wieħed jinnota d-diviżjoni li hemm fil-Kunsill li hija l-oriġini tal-imbblukkar. Fil-fatt, it-tneħħija tal-pilastru deċentralizzat jista’ jwassal għal imblukkar ġdid, fuq kollox minħabba l-bidliet l-oħra kollha.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Kumitat jappoġġja l-kjarifika fl-Artikolu 1(5) tal-proposta għal Regolament li tispeċifika li l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw għall-operaturi ekonomiċi, il-prodotti u s-servizzi ta’ pajjiżi terzi miżuri restrittivi li jmorru lil hinn minn dawk stabbiliti fir-Regolament. Dan għandu l-vantaġġ li jipprovdi aktar uniformità fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku għall-operaturi barranin. Il-Kumitat madankollu jistaqsi jekk din il-projbizzjoni tfissirx fil-fatt il-liberalizzazzjoni bla reċiproċità tal-akkwist pubbliku taħt il-limitu ta’ EUR 5 miljun għal intrapriżi ta’ pajjiżi terzi. Fil-fatt, bħalissa, ċerti Stati Membri japplikaw restrizzjonijiet rigward l-akkwist pubbliku mhux kopert minn obbligi internazzjonali, u l-Artikolu 85 tad-Direttiva 2014/25/UE dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija u postali jipprovdi espressament il-possibbiltà ta’ rifjut tal-offerti li jinkludu aktar minn 50 % tal-prodotti li joriġinaw fil-pajjiżi li magħhom l-UE ma kkonkludietx impenji internazzjonali. Dan l-Artikolu se jitħassar mir-Regolament propost.

4.2

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament għall-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-aktar vulnerabbli tar-Regolament SĠP (Artikolu 4), u li din l-esklużjoni tkun effettiva u tkun tista’ tibbenefika lill-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-intrapriżi tagħhom, huwa jappella lill-Kummissjoni biex tinkludi spjegazzjonijiet dwar is-swieq pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u link għall-pubblikazzjonijiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali (TED) fl-Export Helpdesk għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u biex tiġi żgurata l-assistenza teknika meħtieġa lill-intrapriżi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jkunu jixtiequ jiksbu informazzjoni dwar il-funzjonament tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku fl-Unjoni Ewropea.

4.3

Il-Kumitat japprova wkoll in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament għall-SMEs Ewropej (Artikolu 5). Madankollu, jixtieq ifakkar lill-Kummissjoni li l-SMEs jeħtieġu għajnuna partikolari, kemm sabiex jaċċessaw is-swieq “transkonfinali” fl-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-aċċess għall-akkwist pubbliku fil-pajjiżi terzi. Dan l-approċċ huwa kompatibbli mal-attenzjoni partikolari li għandha tingħata lill-SMEs fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Kummerċ għal kulħadd”. Mira għat-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-akkwist pubbliku għandha tiġi stipulata taħt il-kapitolu dwar l-SMEs fit-TTIP, kif ukoll fil-ftehimiet futuri kollha ta’ kummerċ li jinkludu kapitoli bħal dawn. Il-KESE diġà esprima ruħu kontra l-istabbiliment ta’ kwoti għall-SMEs fl-akkwist pubbliku, fuq il-mudell tas-Small Business Act li hemm fl-Istati Uniti, iżda huwa favur politika proattiva ta’ akkumpanjament tal-parteċipazzjoni tal-SMEs biex ikunu jistgħu jkollhom aċċess għal firxa usa’ ta’ kuntratti pubbliċi (8). Barra minn hekk, il-Kumitat kien diġà indika l-ħtieġa li tittejjeb il-bażi tad-data tal-aċċess għas-swieq (market access data base) sabiex, minn naħa, tinkludi informazzjoni affidabbli u aċċessibbli dwar sejħiet tal-offerti u l-formalitajiet u l-ispeċifiċitajiet tekniċi tal-ispeċifikazzjoni li ma jppermettux parteċipazzjoni f’pajjiżi terzi u, min-naħa l-oħra, tipprovdi bażijiet statistiċi u indikaturi ta’ impatt tal-fenomeni ta’ distorsjoni (9).

4.4

Il-Kumitat jifhem it-tħassib tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ strument ġuridiku li jippermettilha li tiżgura aċċess effettiv għall-intrapriżi Ewropej għas-swieq tal-akkwist pubbliku tal-pajjiżi terzi peress li r-Regolament (UE) Nru 654/2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali ma japplikax fin-nuqqas ta’ ftehim internazzjonali. Madankollu, il-proċedura ta’ investigazzjoni prevista fl-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament tidher partikolarment bil-mod u ineffikaċi. L-ewwel nett, il-Kumitat jesprimi d-dubji tiegħu dwar is-setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi jekk għandhiex titwettaq investigazzjoni jew le. Barra minn dan, dwar it-tul ta’ żmien ta’ investigazzjoni; kuntrarju għal dak li tafferma l-Kummissjoni, it-tul ta’ żmien ma tnaqqasx fil-proposta l-ġdida u baqa’ b’total ta’ 12-il xahar. Dan jidher partikolarment twil peress li f’ħafna każi u partikolarment fejn il-Kummissjoni tibda l-istħarriġ minn jeddha, hi diġà jkollha għadd ta’ elementi u ta’ spiss diġà tkun qajmet il-kwistjoni fl-ispazju ta’ djalogu eżistenti mal-pajjiżi terzi. Il-Kumitat jifhem ukoll il-fatt li l-investigazzjoni tiġi sospiża matul negozjati kummerċjali eventwali. Madankollu, minħabba t-tul tan-negozjati kummerċjali u l-implimentazzjoni tagħhom, huwa siewi li jkun definit dan il-perjodu ta’ sospensjoni, li ma għandux jaqbeż is-sentejn.

4.5

Il-Kumitat jikkunsidra li l-fatt li l-investigazzjoni tista’ twassal biss għal aġġustament tal-prezz ta’ 20 % għall-kuntratti li jaqbżu EUR 5 000 000, dispożizzjoni li fiha għadd kbir ta’ eċċezzjonijiet, mhux suffiċjenti u ċċaħħad ir-Regolament mill-effettività tiegħu.

4.6

Il-Kumitat jinnota b’dispjaċir it-tħassir tal-Artikoli 85 u 86 tad-Direttiva 2014/25/UE fir-Regolament il-ġdid, billi dawn id-dispożizzjonijiet li huwa ambizzjużi u aktar konformi mal-għan tal-kunsiderazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, billi dawn jinkorporaw dimensjoni soċjali u ambjentali. Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li jkun utli li jkompli jinvestiga l-possibilità ta’ integrazzjoni ta’ ċerti elementi fil-proposta għal Regolament attwali.

Brussell, 27 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ara COM(2015) 497 final.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(3)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-intrapriżi pubbliċi tal-pajjiżi terzi fis-swieq tal-UE tal-akkwisti pubbliċi” ĠU C 218, 23.7.2011, p. 31.

(4)  P7_TA (2014)0027.

(5)  COM(2016) 34 final.

(6)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “l-akkwist pubbliku internazzjonali”, adottata fit-28 ta’ Mejju 2008, relatur is-Sur Malosse, ĠU C 224 du 30.8.2008, p. 32; u l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “l-intrapriżi pubbliċi ta’ pajjiżi terzi fl-akkwist pubbliku tal-UE” CCMI/082, ĠU C 218 du 23.7.2011, p. 31.

(7)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(8)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-akkwist pubbliku internazzjonali”, adottata fit-28 ta’ Mejju 2008, relatur is-Sur Malosse, JO C 224 du 30.8.2008, p. 32.

(9)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3..


20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/117


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2015”

(COM(2015) 572 final)

(2016/C 264/16)

Rapporteur:

is-Sur Stéphane BUFFETAUT

Nhar it-18 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2015”

(COM(2015) 572 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tat-28 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’137 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fi Frar 2015 tnieda l-qafas strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija. Għaldaqstant din ser tibda tieħu forma fl-2016. Hija oriġinat mir-riflessjonijiet li saru minn diversi gruppi ta’ riflessjoni jew personalitajiet Ewropej dwar il-kunċett ta’ Komunità Ewropea tal-Enerġija, proġett imressaq mill-Istitut Jacques Delors u mis-Sur Jerzy Buzek b’mod partikolari. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kien, sa mill-bidu, ta l-appoġġ sħiħ tiegħu għal din l-inizjattiva.

1.2

Il-kunċett ma tantx intlaqa’ tajjeb minn għadd ta’ Stati Membri peress li kien jimplika reviżjoni tat-Trattati, proċedura tal-inqas riskjuża f’dan iż-żmien ta’ ewroxettiċiżmu. Madankollu, l-idea ta’ koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-enerġija, il-ħtiġijiet ta’ diplomazija enerġetika effikaċi, il-prijoritajiet tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iż-żieda fid-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-enerġija, il-ħtieġa li jiġu minimizzati l-pressjonijiet esterni fuq il-provvista, l-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni enerġetika u l-appoġġ soċjali tas-setturi milquta minn din it-tranżizzjoni kienu jitolbu inizjattiva fil-livell Ewropew. Minn hawn twieldet l-Unjoni tal-Enerġija, sottili fil-livell istituzzjonali iżda mmirata lejn l-effiċjenza permezz tal-implimentazzjoni ta’ konverġenzi konkreti u impenji mħarsa.

1.3

Ta’ min ifakkar li l-KESE minn kmieni appoġġa l-approċċ lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija u, tal-inqas, lejn koordinazzjoni aħjar tal-politiki dwar l-enerġija (1) id-diplomazija fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni tal-enerġija, waqt li enfasizza l-ħtieġa ta’ konsultazzjoni sħiħa mas-soċjetà ċivili, ikkonċernata direttament mhux biss bħala konsumatur, iżda wkoll bħala attur tat-tranżizzjoni tal-enerġija li ma tistax tirnexxi mingħajr l-involviment jew l-impenn tas-soċjetà ċivili, li fil-ġejjieni iżjed milli hi llum ser tkun produttur tal-enerġija deċentralizzata.

1.4

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha l-għan li tevalwa l-ewwel disa’ xhur tal-Unjoni tal-Enerġija. Huwa ovvju li dan ir-rapport jista’ jkun biss parzjali u mhux verament sinifikanti meta wieħed iqis l-isfidi kbar u l-bidliet radikali li jridu jsiru. Għaldaqstant jeħtieġ li l-ewwel indikazzjonijiet jittieħdu b’kawtela, għaliex dawn huma biss il-bidu ta’ politika li trid titwettaq b’perseveranza għal żmien twil, bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri.

1.5

Jibqa’ l-fatt li l-kuntest li fih trid titwettaq din il-politika huwa magħruf: impenji meħudin waqt il-COP21, l-instabbiltà ġeopolitika qawwija fil-qasam tal-enerġija, l-objettivi Ewropej għall-klima u għall-enerġija, is-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza fl-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomiji Ewropej, l-iżvilupp tal-infrastrutturi, u t-tlestija tas-suq intern tal-enerġija. Wieħed jista’ jara li l-isfidi politiċi huma enormi u li ma jistgħux jingħelbu permezz ta’ approċċ amministrattiv u regolatorju sempliċi. Dak li neħtieġu hija rieda politika qawwija u viżjoni b’saħħitha iżda realistika u kondiviża mill-Istati Membri, li tqis is-sitwazzjoni ekonomika u l-opportunitajiet tekniċi disponibbli, meta l-fatti jimponu ruħhom fuq ir-rieda politika.

1.6

Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli dan l-ewwel rapport dwar l-istat tal-Unjoni tal-Enerġija fl-2015, iżda jiddispjaċih dwar ċerti lakuni fl-analiżi tal-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva. Li dawn jiġu korretti għandu jsaħħaħ l-approċċ li l-Kummissjoni qed tipproponi u x’aktarx isaħħaħ l-appoġġ qalb is-soċjetà ċivili għal dan il-proġett, li jinvolvi tranżizzjoni tal-enerġija li tista’ tkun sors ta’ tħassib.

1.7

Il-Kumitat iqis li l-punti sinifikanti għal analiżi msemmija mill-Kummissjoni huma importanti iżda jridu jiġu kompluti. Fl-istat attwali tat-test, dawn huma:

id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija,

l-effiċjenza enerġetika bħala kontribut għall-moderazzjoni fid-domanda għall-enerġija,

is-suq intern tal-enerġija kompletament integrat,

is-sigurtà tal-enerġija, is-solidarjetà u l-fiduċja,

ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività,

l-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija.

Il-KESE huwa tal-fehma li d-dimensjoni soċjali tal-Unjoni tal-Enerġija mhijiex enfasizzata biżżejjed u li dan l-aspett irid ikun parti mill-kriterji tal-valutazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija. Fil-fatt, minn naħa din l-Unjoni jrid ikollha impatt favorevoli fir-rigward tal-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, il-kompetittività u l-innovazzjoni, imma min-naħa l-oħra tista’ tolqot ċerti setturi ta’ attività, li jista’ jesiġi miżuri ta’ appoġġ soċjali u ta’ taħriġ. Huwa importanti li dawn il-miżuri jkunu preventivi sabiex jiġi evitat il-qgħad fost il-persunal kkonċernat u li t-taħriġ implimentat jantiċipa l-iżviluppi futuri tas-settur tal-enerġija. Għaldaqstant ikun tajjeb li għar-rapport annwali li jmiss, tiġi inkluża din id-dimensjoni soċjali fil-kriterji ta’ valutazzjoni. Bl-istess mod, huwa kruċjali li jiġu previsti l-konsegwenzi ekonomiċi tal-għażliet li ġġib magħha t-tranżizzjoni tal-enerġija, speċjalment minħabba li l-impatti soċjali huma marbuta mill-qrib mal-konsegwenzi ekonomiċi tal-għażliet meħuda.

1.8

F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-Kummissjoni Ewropea tqis li din fiha nnifisha tkun sors ta’ enerġija. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li din il-formulazzjoni ma tinżammx, għaliex toħloq konfużjoni u mhijiex preċiża mil-lat xjentifiku għaliex l-ebda sors ta’ enerġija primarja ma jista’ qatt jiġi “sostitwit” minn iffrankar ta’ enerġija. Dan il-kumment ma jneħħi xejn mill-fatt li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija ta’ importanza kbira għall-ġejjieni tas-sistema enerġetika Ewropea. Li tissaħħaħ l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-oqsma kollha fejn tintuża l-enerġija jista’ jkun mod b’saħħtu biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-ekonomija Ewropea.

1.9

Il-Kumitat jixtieq li barra l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili tkun ukoll assoċjata mal-proċess tar-rapport annwali. L-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet tal-familja rappreżentattivi, ir-rappreżentanti tad-dinja ekonomika, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ambjentalisti, ix-xjenzati u r-riċerkaturi, fil-qosor is-soċjetà ċivili, huma interessati bis-sħiħ f’dan il-proċess Ewropew. Din hija r-raġuni għalfejn il-KESE huwa favur l-implimentazzjoni ta’ djalogu Ewropew dwar l-enerġija sabiex is-soċjetà ċivili tiġi involuta fir-riflessjoni u l-implimentazzjoni tal-politika Ewropea dwar l-enerġija. Dan id-djalogu jista’ jiġi strutturat madwar l-okkażjoni tar-rapport annwali dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija u għandu jiffoka fuq il-punti ewlenin definiti sabiex tiġi evalwata l-implimentazzjoni tagħha.

1.10

Fir-rigward tad-data statistika, il-KESE jinnota li ċerta statistika hija pjuttost antika jew lanqas biss teżisti. Dan ifisser li għandhom isiru sforzi sabiex tinkiseb, mingħand l-Istati Membri, data aktar aġġornata, li mingħajrha l-monitoraġġ tal-effetti tad-dħul fis-seħħ tal-Unjoni tal-Enerġija ser ikun diffiċli.

1.11

Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li l-proċeduri amministrattivi ta’ monitoraġġ u ta’ informazzjoni waħidhom ma jistgħux jikkostitwixxu l-Unjoni tal-Enerġija. Dawn huma għodda utli u meħtieġa, għas-servizz ta’ politika li l-objettivi tagħha għandhom jiġu kondiviżi mill-Istati Membri bl-appoġġ tas-soċjetà ċivili.

2.   Kontenut tad-dokument u l-metodoloġija tal-Kummissjoni Ewropea

2.1

Id-dokument huwa qabel kollox rapport ta’ progress biex tiġi eżaminata l-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija u mhux test politiku. Ir-rapport jgħaddi d-data miġbura mill-Istati Membri mill-għarbiel tal-kriterji politiċi magħżula mill-Kummissjoni. Il-metodoloġija tal-Kummissjoni għalhekk tissejjes fuq l-analiżi u l-monitoraġġ, permezz ta’ indikaturi ewlenin, tal-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija. Dan il-monitoraġġ jista’ jiġi definit bħala delikat, peress li d-deċiżjonijiet politiċi dwar l-enerġija jiddependu fuq l-iżvilupp fis-swieq u fuq l-avvenimenti ġeopolitiċi li l-Istati Membri jridu jirreaġixxu għalihom b’ċerta ħeffa. L-għanijiet fit-tul jistgħu għalhekk jixxekklu mill-ħtiġijiet fuq żmien qasir u għalhekk il-monitoraġġ m’għandux ikun riġidu.

2.2

Madankollu, il-Kummissjoni identifikat sitt temi, sitt angoli ta’ analiżi strateġika biex tkejjel l-implimentazzjoni konkreta tal-impenji tal-Istati fit-twettiq ta’ din l-Unjoni tal-Enerġija:

id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija,

l-effiċjenza enerġetika bħala kontribut għall-moderazzjoni fid-domanda għall-enerġija,

il-ħolqien ta’ suq intern tal-enerġija kompletament integrat;

is-sigurtà tal-enerġija, is-solidarjetà u l-fiduċja,

Unjoni tal-Enerġija għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kompetittività,

l-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija.

2.3

Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn it-temi li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tipprovdi l-ewwel miżura tal-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Rigward id-dekarbonizzazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-Unjoni Ewropea hija l-aktar effiċjenti fost l-ekonomiji ewlenin fid-dinja fuq il-bażi tal-fatt li l-PDG globali taż-żona, bejn l-1990 u l-2014, żdied b’46 % u l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra naqsu bi 23 %. Madankollu jeħtieġ li jitkejlu l-effetti tal-kriżi li laqtet lid-dinja u b’mod partikolari lill-Ewropa, tal-apatija ekonomika kontinwa, tad-deindustrijalizzazzjoni tal-UE, fuq dawn iċ-ċifri li x’aktarx huma inqas promettenti milli jidhru!

3.2

Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-Unjoni Ewropea tipproduċi aktar minn nofs l-elettriku tagħha mingħajr emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra. Infakkru li dan ir-riżultat ma kienx ikun possibbli mingħajr il-kontribut ta’ enerġija li kultant tiġi kkontestata jew abbandunata f’ċerti Stati Membri (l-enerġija nukleari jew l-enerġija idroelettrika prodotta mid-digi, pereżempju).

3.3

L-għan iddikjarat jibqa’ li “ma tibqax aktar ekonomija li sserraħ fuq il-fjuwils fossili”. F’dan ir-rigward, it-tnaqqis attwali u l-volatilità fil-prezz taż-żejt mhumiex elementi pożittivi, anke jekk il-mira ta’ 20 % ta’ enerġija rinnovabbli fl-2020 tidher li tista’ tintlaħaq. Iżda politika tal-enerġija ma tistax tkun ibbażata fuq approċċ negattiv u restrittiv. Għalhekk, il-KESE jittama li jiġi vvalutat, sa fejn hu possibbli, ir-rwol li jistgħu jaqdu fil-futur ir-riżorsi bħall-enerġija mir-riħ, l-enerġija mill-baħar, l-idroġenu, eċċ., u li l-iżvilupp tagħhom jiġi appoġġat minn politika ambizzjuża ta’ riċerka u żvilupp.

3.4

Il-Kummissjoni nnutat li t-tranżizzjoni lejn sorsi ta’ enerġija b’intensità ta’ karbonju baxxa sejra teħtieġ investimenti sostanzjali. F’dan ir-rigward, kollass kontinwu fil-prezzijiet taż-żejt jagħmel l-ispiża komparattiva ta’ dawn l-investimenti ferm akbar. B’hekk, l-implimentazzjoni konkreta tal-impenji meħudin f’Pariġi bħala parti mill-COP sejra tkun eżaminata b’attenzjoni.

3.5

Il-KESE jenfasizza li r-riżultati tal-COP21 jipprovdu għall-ewwel darba l-bażijiet ta’ protezzjoni tal-klima koordinata fuq livell dinji u għalhekk jilleġittimizzaw l-isforzi sinifikanti tal-Ewropa li kien ikollhom biss impatt żgħir fuq it-tibdil fil-klima globali li kieku d-dinja ma segwietx l-istess direzzjoni. Nistgħu għalhekk insegwu l-pjan direzzjonali Ewropew fl-ispirtu tal-Ftehim ta’ Pariġi u niżguraw li kull Stat Membru jkun jista’ jagħti kontribut sħiħ għall-protezzjoni tal-klima skont il-kapaċitajiet tiegħu.

3.6

Il-Kummissjoni tindika li hija żviluppat għodod u istrumenti li jqisu l-effiċjenza fl-enerġija bħala sors fiha nnifisha. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li din il-formulazzjoni ma tinżammx, għaliex toħloq konfużjoni u barra minn hekk mhijiex preċiża mil-lat xjentifiku, minħabba li l-ebda sors ta’ enerġija primarja ma jista’ qatt jiġi sostitwit mill-iffrankar tal-enerġija. L-iffrankar tal-enerġija huwa tabilħaqq ħtieġa iżda mhuwiex enerġija. Jibqa’ l-fatt li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija parametru importanti fis-sistema enerġetika Ewropea tal-futur. Li titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-oqsma kollha fejn tintuża l-enerġija jaf ikun mod b’saħħtu biex jitnaqqsu l-ispejjeż żejda għall-ekonomija Ewropea. Idealment, żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija proporzjonali maż-żieda fl-ispejjeż ta’ sors ta’ enerġija partikolari taf tistabbilizza l-prezzijiet fil-livell attwali tagħhom.

3.7

Iżda żieda sinifikanti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija teħtieġ inevitabbilment investimenti sostanzjali min-naħa tal-konsumaturi, l-industrija u l-organizzazzjonijiet pubbliċi (bini, infrastruttura, vetturi, eċċ.). Minn naħa, il-limitazzjoni ġenerali tal-investiment ser tiddetermina b’liema ħeffa jsir it-titjib. Min-naħa l-oħra, ċerti setturi tas-soċjetà Ewropea jistgħu jappoġġaw investimenti kbar u japprofittaw minn iffrankar kbir, filwaqt li oħrajn ser isibuha impossibbli li jagħmlu dan. Dan jista’ jkabbar id-distakk f’termini ekonomiċi bejn il-partijiet differenti tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ miżuri ta’ appoġġ biex jiġi żgurat li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd.

3.8

It-twettiq tas-suq intern tal-enerġija sejjer ikun jeħtieġ infrastrutturi ġodda ta’ trasport tal-enerġija, linji tal-elettriku jew pajpijiet tal-gass. Jiġifieri, ser ikun jeħtieġ investimenti għaljin. Il-Kummissjoni hija ġustament kuntenta bil-progress li ntlaħaq f’dan il-qasam bħalma hija kuntenta bit-tnedija tal-Forum ta’ Copenhagen, li żgur huwa utli biex jidentifika l-problemi iżda li mhuwiex soluzzjoni fih innifsu. Ġew implimentati għadd ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn diversi Stati, bħal dawk bejn il-Polonja u l-Litwanja u bejn in-Norveġja u l-Iżvezja. Nafu madankollu li seta’ kien hemm xi opinjonijiet differenti bejn ċerti Stati Membri dwar proġetti bħal Nord-Stream, li dwaru ġew espressi fehmiet kritiċi fil-Polonja, fil-pajjiżi Baltiċi u fl-Iżvezja. Jeħtieġ għalhekk li niżguraw li ċerti deċiżjonijiet ta’ investiment ma jmorrux kontra l-ispirtu tal-Unjoni tal-Enerġija. Barra minn hekk, ċerti deċiżjonijiet politiċi jistgħu jkollhom importanza konsiderevoli għall-investimenti, li jimplika li dawn l-għażliet għandhom jiġu determinati b’ċertu ħsieb u mwieżna bi prudenza xjentifika u teknika.

3.9

Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-konsumaturi — individwi, familji jew impriżi — jixtiequ aktar trasparenza fir-rigward tal-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija li, barra minn hekk, għandhom jiġu evalwati fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-kompetituri prinċipali tagħna. Il-KESE jappoġġja bil-qawwa dan il-proċess ta’ informazzjoni trasparenti u sempliċi li huwa spiss talab. Madankollu, fi żmien meta qiegħed jiżdied il-faqar enerġetiku, jeħtieġ li ntennu l-ħtieġa ta’ servizz universali tal-enerġija u li jkollna indikaturi speċifiċi dwar ir-rwol li s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jista’ jkollhom f’dan ir-rigward. Is-soċjetajiet tagħna jgħixu fuq l-enerġija, li taffettwa l-kumdità tal-ħajja tagħna, il-moviment tagħna, il-komunikazzjoni tagħna, il-ħajja tal-impriżi tagħna. Il-KESE jixtieq li s-soċjetà ċivili tiġi rrappreżentata fl-entitajiet fejnjiġu ddefiniti, fuq livell Ewropew, il-kundizzjonijiet operattivi tas-servizzi universali. Il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fid-definizzjoni ta’ dan is-servizz universali u jkollhom il-mezzi biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni prattika tiegħu.

3.10

Il-KESE huwa konxju dejjem iżjed dwar il-ħtieġa li tinbeda, minn din il-perspettiva, diskussjoni ulterjuri dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-produzzjoni tal-enerġija mnedija lejn l-aħħar tas-snin 90. Din il-liberalizzazzjoni kienet akkumpanjata, b’mod insidjuż u abbażi ta’ argumenti ġeneralment relevanti, minn strumenti li mhumiex konformi mas-suq, bħas-sussidji (għall-produzzjoni ta’ enerġija sostenibbli) u restrizzjonijiet (pereżempju fir-rigward tas-CO2). Għall-intrapriżi u l-ħaddiema tas-settur, is-sikurezza tal-qafas li jirregola l-investimenti hija importanti, peress li huma involuti somom konsiderevoli u l-perjodu tar-redditu fuq l-investiment huwa twil. L-inċertezza li tinħoloq minn modifiki kostanti tal-politika tal-enerġija ma tinkoraġġix it-teħid ta’ riskji u tfixkel l-innovazzjoni teknoloġika li trawwem l-iżvilupp sostenibbli fis-settur tal-enerġija fl-Ewropa.

3.11

Għaċ-ċittadini, is-suċċess tal-Unjoni tal-Enerġija sejjer jitkejjel ukoll minn elementi aktar konkreti, b’mod partikolari l-livell tal-prezzijiet, li huma primarjament ir-riżultat tat-taxxi fuq l-enerġija, l-aċċessibbiltà għan-netwerks, is-sigurtà tal-provvista (jiġu evitati l-qtugħ jew il-ħsarat ġenerali), l-informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-materjal li jużaw, li trid tkun sempliċi u tinftiehem mill-ewwel (tikketti enerġetiċi għall-apparat elettroniku jew domestiku, kejl ta’ konsum għall-karozzi) (2).

3.12

Jeħtieġ ukoll jiġi enfasizzat li l-impjegati tal-impriżi huma kompletament affettwati mill-għażliet li jsiru rigward il-politika tal-enerġija. It-tranżizzjoni tal-enerġija tinvolvi mutazzjonijiet u bidliet teknoloġiċi. Sejrin jitfaċċaw xogħlijiet ġodda, oħrajn aktarx jispiċċaw minħabba l-għeluq jew it-tnaqqis ta’ ċerti tipi ta’ azjendi (minjieri tal-faħam jew impjanti tal-enerġija nukleari). Xogħlijiet oħrajn sejrin jevolvu jew jinbidlu, pereżempju, min iwaħħal il-madum jew is-soqfa ser ikollu jitgħallem kif jinstalla l-pannelli solari. Jeħtieġ għalhekk li tiġi kkunsidrata, fl-implimentazzjoni tad-diversi kapitoli tal-Unjoni tal-Enerġija, il-ħtieġa tal-isforz ta’ taħriġ li għandu jingħata lill-impjegati u lill-artiġjani tas-setturi kkonċernati direttament jew indirettament. Jeħtieġ ukoll li jinżammu l-kompetenzi ta’ livell għoli u siewja ħafna fil-kompetizzjoni ekonomika (pereżempju fil-qasam tal-enerġija nukleari). Iżda jeħtieġ ukoll li jiġu previsti l-appoġġ u r-riklassifikazzjoni ta’ impjegati li jistgħu jitilfu xogħolhom minħabba l-bidliet li ġġib magħha t-tranżizzjoni tal-enerġija. Bl-istess mod, jeħtieġ li ssir evalwazzjoni sa mill-bidu nett tal-konsegwenzi ekonomiċi tal-għażliet politiċi li jkumu saru, sabiex jitkejlu l-effetti tagħhom kif imiss, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kompetizzjoni globali ħarxa ħafna.

3.13

F’dak li jirrigwarda l-impriżi nfushom, il-miri ta’ dekarbonizzazzjoni, ta’ effiċjenza fl-enerġija u ta’ moderazzjoni tad-domanda għandhom jieħdu kont sħiħ tal-kompetizzjoni globali, l-aktar f’dak li jirrigwarda l-industriji li jużaw ħafna enerġija (l-azzar, l-aluminju, l-industrija tat-tajers, il-kimika…). Is-settur tat-trasport joffri sfida partikolari f’dak li jirrigwarda l-miri ta’ emissjoni tal-karbonju. Il-mezzi kollha tat-trasport għandhom jikkontribwixxu, skont l-intensità ta’ konsum tal-karburanti fossili tagħhom, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet. Fil-fatt it-tekniki disponibbli joffru soluzzjonijiet nodfa vijabbli għall-vjaġġi qosra u għalhekk, fil-prattika, għall-vjaġġi urbani. Il-vjaġġi twal, minbarra t-trasport bil-ferrovija elettrika, jiddependu fuq il-karburanti fossili. Il-bidla modali tista’ tikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni, iżda dan huwa diffiċli fl-Ewropa. Għal dan il-għan, l-investimenti għandhom jiġu ffukati aħjar b’mod li jiġu integrati modi differenti ta’ trasport fejn tingħata preferenza lil dawk li l-inqas iniġġsu. L-enerġija hija wkoll arma ġeopolitika u d-dipendenza f’attivitajiet strateġiċi hija perikoluża fuq il-livell politiku għan-nazzjonijiet ikkonċernati iżda wkoll għaċ-ċittadini tagħhom li huma impjegati, konsumaturi, jew imprendituri. Jeħtieġ għalhekk li jiġu evitati d-delokalizzazzjonijiet li jtellfu kemm is-saħħa ekonomika, kif ukoll ħiliet siewja u l-indipendenza.

3.14

Is-sigurtà tal-enerġija, is-solidarjetà u l-fiduċja bejn l-Istati Membri huma elementi essenzjali tas-suċċess tal-Unjoni tal-Enerġija f’dinja instabbli ħafna fil-livell tal-ġeopolitika enerġetika. Ma nistgħux ma nappoġġjawx l-idea li aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija, aktar enerġiji rinnovabbli u aktar enerġiji indiġeni jgħinu biex tonqos id-dipendenza u l-vulnerabbiltà tal-Unjoni Ewropea. Huwa ovvju. Madankollu rridu naslu għal dan f’kundizzjonijiet ekonomiċi sostenibbli.

3.15

L-istabbilizzazzjoni neċessarja tar-relazzjonijiet diplomatiċi tal-UE mal-imsieħba tagħha tal-Lvant, tan-Nofsinhar, tal-Lvant Nofsani u tal-Punent hija element ta’ żvilupp u ta’ indipendenza għall-Unjoni tal-Enerġija. Il-KESE jaħseb li huwa essenzjali li jkollna diplomazija fl-enerġija ċara u unifikata fir-rigward tal-pajjiżi terzi, orjentata lejn l-interessi mifhuma sew tal-Unjoni Ewropea.

3.16

B’mod ġust ħafna, il-Kummissjoni tenfasizza li r-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali jekk wieħed irid iħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija. F’diversi okkażjonijiet, il-KESE enfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu kkoordinati l-isforzi tal-Istati Membri f’dan il-qasam u li jitnedew proġetti komuni biex jitnaqqsu l-ispejjeż u jinqasmu r-riżultati tar-riċerka. Huwa ċertament permezz tal-progress tar-riċerka u tal-iżvilupp u bir-regolamentazzjoni li ser inkunu nistgħu nilħqu l-miri tagħna fil-qasam tal-enerġija. F’dan ir-rigward, waħda mill-miri tal-Unjoni Ewropea tal-Enerġija għandha tkun li jiġu mmobilizzati l-isforzi fuq proġetti komuni u li jiġi evitat it-tixrid tal-mezzi li jmur kontra l-effiċjenza xjentifika, teknika u ekonomika. Dan jirrikjedi ovvjament il-mobilizzazzjoni tal-fondi iżda huwa pjuttost improbabbli li llum il-ġurnata tista’ tkun biżżejjed is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, li taħdem b’mod mhux sodisfaċenti. Is-sistema ta’ kummerċ tal-emissjonijiet hija mxekkla fil-fatt minn prezz baxx wisq taċ-ċertifikati tal-karbonju minħabba l-provvista żejda ta’ drittijiet disponibbli, li xejn ma jippermetti li jintlaħaq l-objettiv mixtieq ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, u l-effett ikkawżat mis-sussidji għal ċerti enerġiji ħodor.

3.17

Il-KESE jsostni l-approċċ tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda parteċipazzjoni mill-qrib tal-imsieħba soċjali fil-proċess ta’ tranżizzjoni tal-enerġija li ovvjament sejjer jirrikjedi sforzi ta’ taħriġ u adattament għal teknoloġiji ġodda u għal xogħlijiet ġodda. Ebda tranżizzjoni tal-enerġija ma tista’ tirnexxi mingħajr il-mobilizzazzjoni tal-atturi tal-ħajja soċjali u ekonomika. Barra minn hekk jeħtieġ li jingħataw il-mezzi biex ikunu aġenti tal-bidla u mhux biss jgħaddu minnha b’mod passiv jew b’mod rassenjat. Għandhom jiġu proposti wkoll kwalifiki ġodda għal dawk l-impjegati li jkunu ser jitilfu l-impjiegi tagħhom fis-settur tal-enerġija.

3.18

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa l-viżjoni tagħha tal-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija. Hija tappella għal proċess ta’ governanza affidabbli u trasparenti. Madankollu, hija żżid li dan il-proċess għandu jkun ankrat fil-leġiżlazzjoni; il-KESE huwa tal-fehma li politika ma tistax tkun limitata għal proċeduri leġiżlattivi jew għal ippjanar amministrattiv. Is-suċċess ta’ politika dwar l-enerġija jista’ jiġi assigurat biss permezz tal-azzjoni politika tal-gvernijiet ikkonċernati, il-konformità tal-popli ma’ għanijiet ċari u li jinftiehmu, il-kunsiderazzjoni tar-realtajiet ekonomiċi, l-iżvilupp tal-innovazzjoni, l-appoġġ tas-soċjetà ċivili u l-użu tal-mekkaniżmi tal-ekonomija tas-suq. Għalkemm l-idea ta’ rapport annwali ta’ monitoraġġ hija meħtieġa, mhijiex biżżejjed fiha nfisha. Rapport jibqa’ dejjem dokument formali u jista’ jaqa’ fl-astrazzjoni teknokratika. Biex tiġi evitata din il-problema, il-KESE jaħseb li jeħtieġ li naslu għal djalogu Ewropew ġenwin dwar l-enerġija li jista’ jinvolvi liċ-ċittadini, kemm jekk ikunu konsumaturi, kif ukoll rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent, impjegati, imprendituri, bdiewa, persuni li jgħixu fl-ibliet u fl-irħula, pensjonanti, jiġifieri (3) s-soċjetà ċivili li kollha kemm hi hija kkonċernata kuljum u b’mod konkret ħafna minn kwistjonijiet ta’ enerġija. Din hija kwistjoni ta’ tħejjija għall-futur u mhux biss li ngħaddu minnu b’mod passiv; madankollu, f’dan il-futur, ser ikun hemm il-prosumaturi, il-konsumaturi u l-produtturi tal-enerġija u “dawk li jiffrankaw” l-enerġija. L-Unjoni tal-Enerġija ser issib il-kundizzjonijiet tas-suċċess tagħha billi taqbeż il-burokrazija u timpenja ruħha bil-qawwa f’azzjoni politika.

Brussell, it-28 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 82, 3.3.2016, p. 13ĠU C 82, 3.3.2016, p. 22.

(2)  ĠU C 82, 3.3.2016, p. 6.

(3)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 15; ĠU C 161, 6.6.2013, p. 1; ĠU C 291, 4.9.2015, p. 8; ĠU C 383, 17.11.2015, p. 84.


20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/123


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Kummerċ għal kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment”

(COM(2015) 497 final)

(2016/C 264/17)

Relatur:

is-Sur Jonathan PEEL

Nhar il-11 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Kummerċ għal kulħadd — Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment”

(COM(2015) 497 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Marzu 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tat-28 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’159 vot favur, 7 voti kontra u 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ bi pjaċir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (1)“Kummerċ għal kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment”, ippubblikata f’Ottubru 2015, bħala aġġornament f’waqtu u milqugħ tajjeb tal-politika għall-kummerċ u l-investiment tal-UE.

1.1.1

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta aġenda pożittiva għan-negozju, kif ukoll turi li l-Kummissarju l-ġdid għall-Kummerċ semgħet it-tħassib ewlieni li qajmu is-soċjetà ċivili u oħrajn, wara sentejn ta’ taqlib fejn il-kummerċ kien kwistjoni politika fil-livelli għoli għall-ewwel darba f’għaxar snin. L-aġenda ambizzjuża li toffri hija importanti fi żmien ta’ inċertezza ekonomika globali li qed tiżdied. Il-kummerċ u l-investiment huma importanti immens għall-benesseri ekonomiku tal-UE, l-aktar blokk kummerċjali importanti fid-dinja, u l-iffirmar tas-Sħubija Trans Paċifika (TPP) huwa tfakkira f’waqtha dwar il-bżonn li tibqa’ kompetittiva.

1.1.2

Il-KESE jinsab imħasseb li se jkun diffiċli biex dawn l-aspettattivi kollha jsiru realtá, ħaġa li maż-żmien tista’ twassal għal problemi u diżappunt meta n-negozjati kummerċjali tal-UE jaslu għal kompromess inevitabbli. Il-“Kummerċ għal kulħadd” ser tiġi ġġudikata minn jekk il-Kummissjoni jirnexxilhiex turi li l-ftehimiet kummerċjali mhux ser ibaxxu l-istandards ambjentali, tax-xogħol u oħrajn. Fil-fatt dawn għandhom jimmiraw li jtejbu standards bħal dawn.

1.2

Aħna nemmnu li dan jista’ jinkiseb l-aħjar permezz ta’ involviment ħafna akbar tas-soċjetà ċivili waqt in-negozjati u, wara, permezz tal-proċess ta’ implimentazzjoni. Is-soċjetà ċivili tistenna li t-trasparenza, ir-responsabbiltà, l-evalwazzjoni u l-analiżi jkunu fil-qalba tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi tal-politika kummerċjali tal-UE.

1.2.1

Minħabba r-rwol istituzzjonali tiegħu, il-KESE jinsab f’pożizzjoni tajba sabiex jgħin fil-kisba ta’ dan, permezz tal-firxa wiesgħa ta’ kuntatti li għandna, kemm f’pajjiżna kif ukoll f’pajjiżi barranin. Djalogu msaħħaħ bħal dan għandu jinkludi wkoll aktar konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali dwar l-impatti possibbli tal-kummerċ u l-investiment fuq l-impjiegi.

1.3

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li ntalbet l-opinjoni tiegħu dwar il-“Kummerċ għal kulħadd”, rikonoxximent tar-rwol u l-importanza akbar tal-Kumitat fil-politika kummerċjali, għalkemm huwa ta’ diżappunt li r-rwol tal-KESE ma jissemmiex fil-Komunikazzjoni stess.

1.4

Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir l-enfasi fil-“Kummerċ għal kulħadd” dwar il-ħtieġa li l-kummerċ u l-investiment tal-UE jsiru iktar effettivi, il-ħtieġa għal iktar trasparenza, l-importanza li jiġu promossi l-valuri tal-UE, u l-ħtieġa li jkun hemm integrazzjoni ma’ politiki ewlenin oħrajn tal-UE. Fuq kollox, din tkopri b’mod estensiv l-iżvilupp sostenibbli, b’mod speċjali fid-drittijiet tal-bniedem u dawk soċjali u dawk relatati mal-ambjent. Wara l-COP 21, il-ġlieda kontra t-tisħin tal-klima issa għandha tkun parti integrali tal-valuri tal-UE.

1.5

Nilqgħu bi pjaċir ukoll l-impenn għan-negozji żgħar, li jiffaċċjaw diffikultajiet akbar meta jikkunsidraw swieq ġodda. Fin-negozjati kollha qed jiġu mwiegħda dispożizzjonijiet iddedikati għall-SMEs, skont il-preċedent tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP), u l-istess japplika għal “stħarriġiet regolari dwar l-ostakoli” li jiltaqgħu magħhom l-SMEs fi swieq speċifiċi. L-Opinjoni tal-Kumitat (2) dwar “Is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) u l-impatt tagħha fuq l-SMEs” hija rilevanti hawnhekk.

1.6

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll is-suġġerimenti biex jissaħħu l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u s-sistema multilaterali, speċjalment fid-dawl tal-Konferenza Ministerjali reċenti. Din tenfasizza kemm l-aspett tat-tfassil tar-regoli tad-WTO kif ukoll il-bżonn li jkun hemm approċċ aktar iffukat, partikolarment importanti fid-dawl tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs) u l-miri tal-COP21, flimkien mat-tkabbir tal-ktajjen ta’ valur globali u dawk tal-provvista, il-kummerċ diġitali u l-kummerċ elettroniku. L-importanza kruċjali tal-approċċ multilaterali għandha tinżamm, pereżempju, billi jiġu evitati regoli jew standards konfliġġenti. Għandha tingħata attenzjoni partikolari, biex jiġi żgurat li pajjiżi ewlenin ma jitħallewx barra miċ-ċirku, speċjalment pajjiżi ifqar fil-fażi tal-iżvilupp, b’mod partikolari dawk fl-Afrika.

1.7

L-argument favur il-kummerċ u l-investiment jeħtieġ li jsir hawnhekk fl-UE speċjalment b’segwitu għad-dibattitu dwar it-TTIP. Nilqgħu bi pjaċir il-wegħda tal-Komunikazzjoni li “l-ebda ftehim ta’ kummerċ tal-UE mhu se jwassal għal livelli aktar baxxi tal-protezzjoni tal-konsumatur, ambjentali, jew soċjali u tax-xogħol” (3). Il-politika dwar il-kummerċ għandha titqies f’konformità mal-iżvilupp sostenibbli, inkluż is-sostenibbiltà ekonomika fit-tul.

1.7.1

Jeħtieġ li jkun hemm livell għoli ta’ dibattitu infurmat kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. Huwa essenzjali li l-partijiet interessati kollha jkollhom ċertezza li jwasslu l-opinjoni tagħhom.

1.7.2

Il-Kumitat iqis pass pożittiv ħafna l-intenzjoni li l-politika kummerċjali ssir aktar miftuħa u trasparenti u ta’ benefiċċju akbar għall-konsumaturi. L-opinjonijiet tal-konsumaturi għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni sabiex tissaħħaħ il-fiduċja u jiġi żgurat li l-kummerċ isir aktar sostenibbli u responsabbli. Madankollu, aħna għandna l-istess tħassib tal-BEUC, l-għaqda tal-konsumaturi tal-UE, li għadhom ma jeżistux mekkaniżmi li jistabbilixxu l-prinċipju tal-prekawzjoni u l-approċċ ibbażat fuq il-periklu fil-politika kummerċjali. Min-naħa tiegħu dan jeħtieġ li jkun parti integrali mal-“prinċipju tal-innovazzjoni” (4).

1.8

Madankollu, il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni għandha bżonn tagħmel aktar. Jeħtieġ li turi li hi stess hija responsabbli għan-negozjati kummerċjali u ta’ investiment tagħha, u tista’ tinżamm responsabbli biex tagħmel tajjeb għall-preżunzjonijiet tagħha dwar benefiċċji għal kulħadd.

1.8.1

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tipprovdi l-istess livell ta’ trasparenza għan-negozjati kollha kif intlaħaq dwar it-TTIP (iżda għad mhux il-każ għall-Ġappun). Aġġornamenti regolari matul kull ċiklu ta’ negozjati huma importanti għas-soċjetà ċivili. Peress li għandu rwol istituzzjonali, il-KESE kien diżappuntat għall-fatt li ma ġiex inkluż formalment fil-Grupp Konsultattiv speċifiku għat-TTIP. Din is-sitwazzjoni għandha titranġa għal negozjati futuri.

1.9

Il-Kumitat iqis li kien ta’ diżappunt partikolari n-nuqqas tal-Komunikazzjoni li tirreferi għall-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tas-soċjetà ċivili li jkopru l-kapitoli tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fi ftehimiet kummerċjali tal-UE eżistenti, u lanqas kif dawn jistgħu jiġu żviluppati u msaħħa. Il-Kumitat jemmen li l-mekkaniżmi ta’ infurzar għandhom japplikaw ugwalment għall-kapitoli tat-TSD, l-ewwel nett bil-proposta tal-Kummissjoni għat-TTIP.

1.9.1

Dawn il-mekkaniżmi għandhom potenzjal kbir u jista’ jkollhom riżultati tanġibbli. Dawn huma mezz importanti għad-djalogu u l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili minn pajjiżi msieħba, iżda dawn ma jissemmewx. Inqisu li dan imur kontra l-intenzjoni tal-promozzjoni ta’ kapitoli ambizzjużi dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet futuri, flimkien mad-dispożizzjonijiet sostantivi deskritti.

1.9.2

Issa hemm biżżejjed esperjenzi li wieħed jista’ janalizza u jislet tagħlimiet minnhom biex isiru rakkomandazzjonijiet ċari u pożittivi għall-futur. Jinħtieġu Gruppi Konsultattivi Domestiċi (DAGs) bbilanċjati, strutturati u msaħħa. Il-bini ta’ kapaċità u promozzjoni aħjar huma importanti wkoll, kemm ma’ pajjiżi msieħba kif ukoll mal-atturi lokali tas-soċjetà ċivili sabiex aktar organizzazzjonijiet jitħeġġu jieħdu sehem.

1.9.3

Laqgħat konġunti taż-żewġ DAGs għandhom ikunu inklużi fil-ftehimiet, bl-appoġġ ta’ finanzjament adatt u mandati estiżi biex jinkludu attivitajiet immirati lejn għanijiet usa’ tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.

1.10

Hemm nuqqasijiet oħra sorprendenti. Minkejja li hija “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni”, din tonqos milli tagħmel biżżejjed kontroreferenza għall-interkonessjoni ma’ Direttorati Ġenerali oħrajn. Il-Kumitat għad irid ikun konvint li l-Kummissjoni żviluppat approċċ trasversali għad-DĠs fir-rigward tal-kwistjonijiet ewlenin.

1.10.1

Jiddispjaċina li ma ntweriex approċċ koordinat b’mod sħiħ għall-SDGs. Il-kummerċ u l-investiment ser ikunu qed jaqdu rwol importanti ħafna biex jintlaħqu l-SDGs, li ser jistabbilixxu l-aġenda globali għall-15-il sena li ġejjin, madankollu, il-Komunikazzjoni tinkludi biss żewġ referenzi għall-SDGs. Din hija biċ-ċar opportunità mitlufa. Nappellaw għal djalogu urġenti li jiżgura l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-impatt tal-kummerċ u l-investiment biex jintlaħqu l-SDGs.

1.10.2

Lanqas ma hemm xi referenza għat-tiġdid tal-“Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ta’ Cotonou”, li hu mistenni sal-2020. L-UE għandha wkoll tinkoraġġixxi b’mod attiv il-momentum dejjem jikber għall-kooperazzjoni fil-kummerċ intra-Afrikan, li hija essenzjali għall-iżvilupp Afrikan. Madwar 50 % tal-pajjiżi Afrikani mhumiex koperti mill-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika attwali, u minkejja dan ma jinħassx li hemm xi strateġija pan-Afrikana tal-UE li tirriżulta barra mill-ftehimiet jew il-qafas AKP.

1.10.3

Bl-istess mod, il-KESE jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tibqa’ siekta dwar oqsma ewlenin oħra tal-politika għall-kummerċ. Għalkemm l-importanza tal-enerġija u l-materja prima tissemma ta’ spiss, ma jingħad xejn dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati dawn l-importazzjonijiet essenzjali minn pajjiżi rilevanti fejn s’issa ma huwa previst l-ebda ftehim ta’ kummerċ ħieles (FTA), jew inkella li titnaqqas id-dipendenza tagħna mill-enerġija.

1.11

Fl-aħħar nett, aħna nħeġġu li jiġu dedikati riżorsi suffiċjenti għall-implimentazzjoni tal-“Kummerċ għal kulħadd” jekk irridu li din il-politika ambizzjuża tal-kummerċ u tal-investiment tirnexxi. Dan għandu jinkludi r-rwol li jaqdu l-missjonijiet u d-delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi barranin.

2.   Kuntest

2.1

Il-kummerċ u l-investiment huma importanti immens għall-UE. Kif indikat fil-Komunikazzjoni, aktar minn 30 miljun impjieg tal-UE, wieħed minn kull sebgħa, jiddependu mill-esportazzjonijiet, il-kummerċ huwa wieħed mill-ftit strumenti disponibbli biex tingħata spinta lill-ekonomija mingħajr ma jinħoloq piż fuq il-baġits tal-istat, u 90 % tat-tkabbir ekonomiku globali matul il-15-il sena li ġejjin huwa mistenni li jkun barra mill-Ewropa.

2.2

Il-“Kummerċ għal kulħadd” hija reviżjoni f’waqtha tal-istrateġija tal-UE għall-kummerċ sena wara li l-Kummissjoni ngħatat il-mandat tagħha. Din hija t-tielet Komunikazzjoni ta’ din ix-xorta li tibda b’“Ewropa Globali” (5), ippubblikata fl-2006 meta l-progress bin-negozjati tal-Aġenda għall-Iżvilupp ta’ Doha (DDA) tad-WTO kien effettivament waqaf.

2.2.1

Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li l-kummerċ u l-investiment tal-UE jsiru iktar effettivi, il-ħtieġa għal iktar trasparenza, flimkien mal-importanza li jiġu promossi l-valuri tal-UE, u l-ħtieġa li jkun hemm integrazzjoni ma’ politiki ewlenin oħrajn tal-UE. Din twiegħed li ser tingħata iktar attenzjoni lin-negozji ż-żgħar, li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet akbar meta jidħlu fi swieq ġodda.

2.2.2

Tenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu konklużi n-negozjati attwali, b’mod partikolari t-TTIP u dawk mal-Ġappun u maċ-Ċina (6) (dwar l-investiment) – dawn tal-aħħar b’referenza partikolari għall-istateġija taċ-Ċina “One Belt, One Road”. Ir-ratifika tas-CETA (Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada) hija enfasizzata wkoll.

2.2.3

Hija mwiegħda enfasi ikbar fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali mal-Asja kollha kemm hi, b’enfasi mġedda fuq FTAs bejn ir-reġjuni ma’ pajjiżi tal-ASEAN, ftehimiet ta’ investiment ma’ Ħong Kong u Tajwan u isir appell biex jitkomplew in-negozjati li waqfu mal-Indja. Huma previsti wkoll ftehimiet ta’ kummerċ ħieles mal-Awstralja u New Zealand, u ġew ikkonfermati r-reviżjonijiet tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles eżistenti mal-Messiku u ċ-Ċilì.

2.3

Il-Komunikazzjoni tispjega l-livell safejn it-tkabbir sinifikanti u konsistenti tal-volum tal-kummerċ u l-investiment globali f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin wassal biex itejjeb il-benessri ġenerali u ż-żieda fl-impjiegi fl-UE, kif ukoll fi bnadi oħra.

2.3.1

Din tagħraf ukoll li l-kummerċ jista’ jinvolvi “impatti ta’ diżordni temporanji għal ċerti reġjuni u ħaddiema, jekk kompetizzjoni ġdida tkun wisq intensa għal xi impriżi” u jisħaq li “għan-nies affettwati direttament bidla bħal din mhijiex żgħira”. Hawnhekk il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa importanti. Dan għen lil aktar minn 27 600 ħaddiem fl-2013-14 (7). Il-benefiċċji tal-kummerċ qatt ma jkunu mifruxa b’mod ugwali u filwaqt li l-bilanċ aggregat huwa pożittiv, jista’ jkun hemm effetti negattivi fuq bażi ta’ settur speċifiku, żona ġeografika u/jew fuq bażi individwali.

2.3.2

Tinnota wkoll li żieda ta’ żewġ terzi oħra tal-impjiegi issa tiddependi mill-esportazzjonijiet meta mqabbel ma’ 15-il sena ilu, impjiegi b’“ħiliet għoljin u jħallsu aħjar mill-medja” (8). Iżżid tgħid li “aktar minn 600 000 SME, li jimpjegaw aktar minn 6 miljun persuna, jesportaw prodotti direttament barra l-UE, li jammontaw għal terz tal-esportazzjonijiet tal-UE” (9), filwaqt li tkompli li “ħafna iktar jesportaw servizzi” jew huma fornituri għal kumpaniji kbar.

2.3.3

Mis-sena 2000, l-esportazzjonijiet tal-prodotti Ewropej kważi triplikaw, hekk kif żdiedu bi kważi EUR 1,5 triljun, bl-UE żżomm is-“sehem tagħha mill-esportazzjoni dinjija” (ta’ 15 %), meta mqabbel maż-żieda taċ-Ċina u t-tnaqqis korrispondenti fl-ishma globali kemm għall-Istati Uniti kif ukoll għall-Ġappun. Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi wkoll l-impatt sinifikanti u pożittiv tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Korea t’Isfel, fejn defiċit kummerċjali issa sar eċċess.

2.3.4

Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-interdipendenza li qed tikber bejn l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet. L-enerġija u l-importazzjonijiet ta’ materja prima jibqgħu essenzjali, iżda, kif tgħid, “l-istess jgħodd għal parts, komponenti u oġġetti kapitali bħall-makkinarju […] Is-sehem tal-importazzjonijiet fl-esportazzjonijiet tal-UE żdied b’iktar minn nofs mill-1995” (10).

3.   Il-tibdil fil-kummerċ dinji

3.1

Il-“Kummerċ għal Kulħadd” bir-raġun tenfasizza l-bżonn li jinżammu l-prinċipji ewlenin tal-UE u li jintużaw ftehimiet kummerċjali bħala xprun sabiex l-UE “tippromovi d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ambjent, tas-saħħa u tal-konsumatur, tappoġġja l-iżvilupp u tagħti sehemha biex tinqered il-korruzzjoni”.

3.1.1

Il-Komunikazzjoni ġiet ippubblikata fi żmien meta l-kummerċ għaddej minn tibdil kbir. Żewġ ftehimiet internazzjonali ewlenin reċenti ser ikollhom effett profond fuq ix-xejriet tal-kummerċ dinji. L-ewwel kien hemm l-adozzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli min-Nazzjonijiet Uniti f’Settembru 2015, bħala parti mill-Aġenda 2030 tagħha għall-Iżvilupp Sostenibbli: fil-“Kummerċ għal kulħadd” hemm biss żewġ referenzi għall-SDGs.

3.1.2

F’Diċembru, dan kien segwit mis-suċċess tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC COP 21) f’Pariġi.

3.2

Il-kummerċ u l-investiment ser ikollhom rwol profond fil-promozzjoni, l-immirar u l-implimentazzjoni tal-SDGs, mhux l-inqas peress li l-UNCTAD tistma li biex jintlaħqu l-miri stabbiliti, ser ikun hemm bżonn li jinstabu USD 2,5 triljun kull sena, li ħafna minnhom iridu jiġu mis-settur privat.

3.2.1

Id-dikjarazzjoni ministerjali mill-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO li saret reċentament f’Nairobi rrikonoxxiet li l-kummerċ internazzjonali jista’ jkollu rwol biex jintlaħaq tkabbir sostenibbli, robust u bbilanċjat għal kulħadd (11) u bagħtet messaġġ ċar kemm li d-WTO għandha rwol importanti fil-kisba tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, kif ukoll li dan ser ikun ħafna aktar diffiċli mingħajr mekkaniżmu effettiv ta’ kummerċ multilaterali.

3.2.2

Il-kontribut tal-kummerċ u l-investiment biex itaffu t-tibdil fil-klima ser ikun importanti wkoll. L-effetti sħaħ tal-Ftehim ta’ Pariġi fuq il-kummerċ u l-investiment għad iridu jinħassu. Il-progress fin-negozjati għall-Ftehimiet plurilaterali dwar il-Prodotti Ambjentali jwiegħed pass importanti fl-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-politika kummerċjali multilaterali, iżda tibqa’ l-ħtieġa għal iktar azzjoni multilaterali favur il-promozzjoni tal-koerenza u l-appoġġ reċiproku bejn il-kummerċ u l-ambjent.

3.3

Bidla sinifikanti oħra li taffettwa l-kummerċ u l-investiment internazzjonali kienet l-espansjoni notevoli ta’ ktajjen ta’ valur globali u ktajjen ta’ provvista globali, flimkien mat-tkabbir esponenzjali fil-kummerċ diġitali u dak elettroniku.

3.3.1

Proporzjon għoli ta’ kummerċ issa huwa fi prodotti u servizzi intermedji, komponenti fil-prodott finali. Dan il-proċess ta’ produzzjoni frammentat jista’ jkun mifrux f’bosta pajjiżi, u jista’ jinbidel, iżda l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ifittxu wkoll li jispeċjalizzaw f’oqsma speċifiċi ta’ ktajjen ta’ valur globali. Il-ktajjen ta’ provvista globali jkopru dawk il-partijiet ta’ ktajjen ta’ valur globali ddedikati għall-forniment, iżda mhux għad-disinn jew għall-produzzjoni jew distribuzzjoni finali ta’ oġġett jew servizz.

3.3.2

Is-servizzi, u t-tkabbir esponenzjali tas-servizzi bħala parti ċentrali tal-kummerċ, huma diskussi fit-tul kif għandu jkun fil-“Kummerċ għal kulħadd” (2.1.1). Madankollu, minbarra l-aspett tradizzjonali tal-kummerċ fis-servizzi, il-Kummissjoni għandha tissorvelja mill-qrib l-iżvilupp ulterjuri f’dan it-tkabbir u l-modi kif dan jaffettwa l-kummerċ internazzjonali.

3.3.3

Il-KESE, għalhekk, jilqa’ bi pjaċir l-enfasi li ssir fil-“Kummerċ għal kulħadd”dwar il-ħtieġa għal politika kummerċjali sabiex tindirizza “firxa usa’ ta’ kwistjonijiet” (12) jekk l-UE trid tassigura l-pożizzjoni tagħha fil-ktajjen ta’ valur globali, inkluż il-promozzjoni tal-kummerċ fis-servizzi, l-iffaċilitar tal-kummerċ diġitali, u l-protezzjoni tal-konsumaturi u d-data personali tagħhom.

3.3.4

Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir ukoll l-impenn mill-Kummissjoni biex jiġu żviluppati iktar il-politiki tagħha biex tiġi żgurata ġestjoni responsabbli ta’ katini ta’ provvista globali li, kif iddikjarat, hija “essenzjali biex il-politika tal-kummerċ tiġi allinjata mal-valuri Ewropej” (13). Nilqgħu b’sodisfazzjoni il-progress diġà miksub f’dan il-każ mill-Kummissjoni, b’mod partikolari l-Inizjattiva tad-Drittijiet tax-Xogħol tagħha mal-Myanmar. Il-monitoraġġ tal-katini ta’ provvista għandu jaqdi rwol ewlieni biex jintlaħqu l-għanijiet tal-“Kummerċ għal kulħadd” f’dan ir-rigward.

3.3.5

Issa jinħtieġ fehim akbar dwar kif joperaw il-ktajjen ta’ provvista globali, b’mod partikolari l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija u s-suq tax-xogħol f’pajjiżi terzi, sabiex jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir inklużiv, id-drittijiet tal-bniedem u fuq kollox il-ħolqien ta’ impjiegi deċenti. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jenfasizza r-Rapport ta’ Informazzjoni reċenti tiegħu dwar “ir-responsabbiltà soċjali u soċjetali korporattiva” (14). Huwa qed iħejji wkoll opinjoni separata dwar xogħol deċenti fil-ktajjen ta’ provvista globali bi tħejjija għall-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol f’Ġunju, u sabiex tissaħħaħ il-kondotta responsabbli fin-negozju, li hija prijorità tal-Presidenza Netherlandiża.

3.4

Minkejja dan, l-approċċ multilaterali għall-kummerċ jibqa’ ta’ importanza fundamentali. Jinsab fil-qalba tal-kummerċ dinji u għandu jibqa’, kif jingħad fil-Komunikazzjoni, “il-pedament tal-politika kummerċjali tal-UE” (15). Madankollu, id-WTO għandha punt ta’ tluq differenti ħafna kemm mill-SDGs kif ukoll mill-COP21. L-SDGs u l-għanijiet tal-COP21 it-tnejn huma settijiet ta’ miri ċari, madankollu d-WTO biss għandha mekkaniżmu ċar. Kif juru l-ftehimiet limitati konklużi kemm f’Bali kif ukoll f’Nairobi, miri komuni għad-WTO huma diffiċli li jintlaħqu.

3.4.1

Il-Kumitat jibqa’ jappoġġja bil-qawwi l-multilateraliżmu, mhux l-inqas bil-ħtieġa li jintlaħqu l-SDGs u l-għanijiet tal-COP21, u bit-tkabbir fil-ktajjen ta’ valur globali, il-ktajjen ta’ provvista globali, il-kummerċ diġitali u l-kummerċ elettroniku.

3.5

Il-“Kummerċ għal Kulħadd” tagħmel sew tenfasizza (16) r-rwol ewlieni tad-WTO fl-iżvilupp u l-infurzar tar-regoli tal-kummerċ globali, u tgħid li l-ktieb regoli tagħha huma “l-bażi tal-ordni tan-negozjar dinji” (17). Id-WTO tiżgura l-kompatibbiltà globali u hija apprezzata ħafna u qed tintużaw dejjem aktar, minħabba l-mekkaniżmu tagħha għas-soluzzjoni tat-tilwim (18). Hemm periklu reali li ftehimiet ta’ kummerċ ħieles “mega-reġjonali u oħrajn ewlenin bilaterali jistabbilixxu regoli li jkun fihom dupplikazzjoni jew anke jkunu konfliġġenti, u dan iwassal għal kumplikazzjoni minflok jiċċara r-regoli tal-kummerċ dinji. Pereżempju, il-Kumitat jinnota bi tħassib li d-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Oriġini fi ftehim milħuq reċentement mal-Vjetnam jistgħu jkunu f’kunflitt ma’ dawk li l-Vjetnam aċċetta bħala parti mill-ftehim tas-Sħubija Trans-Paċifika.

3.6

Ħafna mill-kwistjonijiet li kienu jiffurmaw parti mill-aġenda ta’ Doha tad-WTO jistgħu jiġu indirizzati biss fil-livell multilaterali, kif rikonoxxut sa miċ-Ċiklu tal-Urugwaj. Dan ikun jinkludi kull qbil globali effettiv dwar il-livelli ġenerali ta’ sussidji fl-agrikoltura, għan ewlieni ta’ Doha. Jeħtieġ li tissokta l-ħidma għal soluzzjonijiet multilaterali.

3.6.1

L-FTAs iridu jipprovdu valur miżjud reali. Dawn jippermettu ambitu akbar għal differenzi nazzjonali u reġjonali, kif ukoll ambitu akbar għas-sensittivitajiet kulturali. L-FTAs għandhom eventwalment isaħħu l-multilateraliżmu.

3.7

Il-“Kummerċ għal kulħadd” tanalizza modi kif id-WTO u s-sistema multilaterali jistgħu jingħataw nifs ġdid. Minbarra l-aspett tat-tfassil tar-regoli, huwa tajjeb li tiġi enfasizzata l-ħtieġa għal approċċ iktar iffukat. Tajjeb li tinġibed l-attenzjoni għall-iżbilanċ dejjem jikber minħabba l-ħolqien ta’ bosta ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw b’pass mgħaġġel, u l-ħtieġa li dawn jagħtu kontribut ikbar biex jgħinu lil oħrajn li għadhom lura fl-iżvilupp.

3.8

Madankollu, il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Komunikazzjoni tinkludi żewġ proposti li jidhru li jmorru f’direzzjoni differenti mill-intenzjoni li tissemma fiha. L-ewwel hemm is-suġġeriment li “sottosett ta’ membri tad-WTO jista” jimxi “l quddiem fi kwistjoni partikolari” (l-approċċ plurilaterali), kif diġà qed jiġri bin-negozjati dwar Ftehim dwar il-Prodotti Ambjentali u dawk dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TISA) propost. Madankollu, jekk dan l-approċċ kellu jsir in-norma, jista’ jwassal biex diversi pajjiżi importanti jitħallew barra miċ-ċirku, speċjalment pajjiżi ifqar fil-fażi tal-iżvilupp, b’mod partikolari dawk fl-Afrika. Għandha tingħata attenzjoni stretta sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà bejn ftehimiet plurilaterali, u multilateraliżmu sħiħ.

3.8.1

It-tieni nett, kieku l-proposta li ftehim internazzjonali bħat-TTIP għandu jkun miftuħ biex jingħaqdu oħrajn (għalkemm tressqet bil-ħsieb ta’ pajjiżi bħat-Turkija, in-Norveġja u membri l-oħra taż-ŻEE), kellha tiġi konnessa ma’ ftehimiet oħra ewlenin (bħall-ftehim UE-Ġappun jew is-CETA) allura tkun qed tiġi kkontestata r-rilevanza proporja tad-WTO, mhux l-inqas għax dan jista’ jwassal lura għaż-żminijiet meta l-“Quad” jew “G4” kienu predominanti.

4.   Kunsiderazzjonijiet strateġiċi u ommissjonijiet

4.1

Għalkemm il-“Kummerċ għal kulħadd” tkopri diversi kwistjonijiet strateġiċi ewlenin u temi kummerċjali importanti, jifdal numru ta’ ommissjonijiet.

4.2

L-ewwel nett, hemm biss żewġ referenzi għall-SDGs, fejn il-kummerċ u l-investiment ser ikollhom rwol importanti x’jaqdu. Dawn imorru ferm lil hinn mill-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju u ser ikollhom impatt tista’ tgħid fuq kull pajjiż, mhux l-inqas peress li jinkludu l-enerġija u t-tibdil fil-klima.

4.2.1

Madankollu, il-punt 4.2 tal-Komunikazzjoni jagħmel ħafna punti u impenji pertinenti, u jindirizza diversi kwistjonijiet rilevanti, inkluż il-Valutazzjonijiet tal-Impatt għas-Sostenibilità u l-effetti tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles il-ġodda fuq il-pajjiżi l-anqas żviluppati, iżda r-rabta essenzjali mal-approċċ ġenerali tal-UE għall-implimentazzjoni tal-SDGs ma teżistix. Jiddispjaċina għal dan in-nuqqas li jintwera approċċ koordinat b’mod sħiħ.

4.3

La hemm xi referenza għat-tiġdid tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE tal-“Cotonou”, u lanqas għal dawk ir-reġjuni, speċjalment fl-Afrika, fejn għad iridu jintlaħqu ftehimiet ta’ kummerċ ħieles. Messaġġ ewlieni minn Nairobi kienet ix-xewqa komuni mhux biss li tiġi żviluppata Unjoni Afrikana, iżda anki li ssir ħidma għal “Żona ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali” għall-Afrika, li b’kollox tinkludi iktar minn 50 pajjiż. Din l-aspirazzjoni hija waħda li l-UE biss tista’ tippromovi, u li għandha tagħtiha prijorità.

4.3.1

L-attenzjoni konsiderevoli ġustament mogħtija mill-UE lill-AKP għandha ssir prijorità akbar hekk kif jibdew jiġu implimentati l-SDGs il-ġodda. Aħna nilqgħu l-impenn għar-reviżjoni tal-Istrateġija konġunta tal-UE dwar Għajnuna għall-Kummerċ “biex issaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jisfruttaw l-opportunitajiet offruti minn ftehimiet kummerċjali”, b’konformità mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, u li l-kummerċ ser jintuża wkoll biex jappoġġja l-integrazzjoni reġjonali.

4.3.2

L-UE għandha tinnota d-Dikjarazzjoni Finali tal-14-il laqgħa tal-Gruppi ta’ Interessi Ekonomiċi u Soċjali tal-AKP–UE f’Yaoundé f’Lulju 2015 (19), li tgħid li r-riżorsi finanzjarji disponibbli kollha għandhom jintużaw biex jintlaħqu l-SDGs, fi ħdan qafas ta’ governanza fiskali robusta u trasparenti, bl-involviment tas-settur privat.

4.3.3

Dan l-approċċ jirrifletti żewġ Opinjonijiet reċenti oħra tal-Kumitat. Waħda (20) tenfasizza li l-għajnuna effettiva għall-kummerċ teħtieġ ukoll il-parteċipazzjoni attiva tal-atturi ekonomiċi u soċjali fit-tfassil tal-programmi, fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom u fl-evalwazzjoni tar-riżultati u l-impatt tagħhom. Biex jiġi żgurat li r-relazzjonijiet mal-pajjiżi AKP jieħdu kunsiderazzjoni tad-diversità ta’ dawn il-pajjiżi, il-Kummissjoni għandha tfittex li jkun hemm parteċipazzjoni wiesgħa u attiva ta’ atturi bħal dawn, inklużi l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili usa’. Għalhekk huwa ta’ dispjaċir li l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika reċenti mal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika ma jinkludix dispożizzjonijiet bħal dawn.

4.3.3.1

Fl-Opinjoni l-oħra (21), il-KESE enfasizza li n-negozji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġu appoġġ fl-akkwist tal-ħiliet u l-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw influwenza pożittiva fuq l-ambjent tax-xogħol — inkluż ir-rispett għal prinċipji demokratiċi rikonoxxuti, l-iffaċilitar tal-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi, iż-żieda fit-trasparenza u t-tnaqqis kemm ta’ burokrazija żejda kif ukoll ta’ korruzzjoni rampanti, mhux l-inqas sabiex jitħeġġu l-investituri barranin u lokali.

4.4

It-tielet, ma hemm xejn fil-Komunikazzjoni dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati l-importazzjonijiet essenzjali minn pajjiżi rilevanti fejn għalissa ma hemm l-ebda prospett ta’ FTA, jew inkella li titnaqqas id-dipendenza enerġetika tal-UE. Ammont konsiderevoli ta’ impjiegi jiddependu wkoll minn provvista sigura u regolari ta’ enerġija u materja prima ewlenija. Opinjoni tal-Kumitat aktar bikrija eżaminat din il-kwistjoni, fejn kien sar appell għal strateġija globali effettiva u għal proċedura ċara tal-UE għall-emerġenzi jew għar-rispons ta’ kriżi f’każ li xi importazzjoni importanti f’daqqa waħda ma tibqax disponibbli, għal kwalunkwe raġuni (22).

4.4.1

Min-naħa tiegħu, il-Kumitat kien diżappuntat jinnota li, fil-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar “Il-Pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija” (23), is-sezzjoni dwar “rwol Ewropew iktar b’saħħtu fis-swieq tal-enerġija globali” kien sorprendentament dgħajjef. Filwaqt li qiegħdet lill-Alġerija u lit-Turkija flimkien, li aħna ma nqisux li huwa adatt, ma għamlet l-ebda referenza, la għal kurituri ewlenin tal-enerġija u lanqas għas-Sħubija Strateġika tal-UE maċ-Ċina, speċjalment f’rabta mal-kooperazzjoni konġunta fl-enerġija u t-trasport.

4.4.2

Il-Ftehim tal-COP21 intlaħaq wara l-pubblikazzjoni tal-“Kummerċ għal kulħadd”. Is-sistema ta’ kummerċ internazzjonali jeħtieġ li tanalizza l-għanijiet tagħha kif ukoll l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Il-marki tal-karbonju u l-inċentivi tal-bijodiversità jeħtieġ jitqiesu wkoll fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

4.5

Fir-rigward tal-investiment, li hija kompetenza tal-UE mit-Trattat ta’ Lisbona “l hawn, il-“Kummerċ għal kulħadd” tipproponi li taġġorna l-FTAs tal-UE eżistenti sabiex jiżdied kapitolu ta’ investiment speċifiku, flimkien ma’ negozjati awtonomi ġodda ma’ Hong Kong u t-Tajwan.

4.5.1

It-tieni, il-“Kummerċ għal kulħadd” tfittex li tirregolarizza l-protezzjoni tal-investiment u l-arbitraġġ, b’segwitu għall-kontroversja tal-ISDS u l-proposti sussegwenti tagħha għan-negozjati tat-TTIP. Tipproponi enfasi ikbar biex fl-FTAs jiġi stipulat id-dritt tal-istat biex jirregola, flimkien ma’ passi biex is-sistema l-antika tiġi ttrasformata “f’Sistema tal-Qorti ta’ Investiment pubbliku magħmula minn Tribunal ta’ Prim’ Istanza u Tribunal ta’ Appell li joperaw bħal qrati tradizzjonali” (24). Għandu jkun hemm kodiċi ta’ kondotta u mħallfin indipendenti li jrid ikollhom kwalifiki tekniċi u legali stretti.

4.5.2

Il-Kumitat jinkoraġġixxi dibattitu miftuħ u trasparenti. Huwa għalhekk ta’ dispjaċir li dawn il-proposti, li saret ħafna oppożizzjoni għalihom minn firxa wiesa’ ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili peress li qalu li mhumiex sostanzjalment differenti mill-mekkaniżmu tal-ISDS, li l-KESE kkritika (25), issa ġew inklużi fit-test tal-FTA UE-Vjetnam u fit-testi riveduti tas-CETA mingħajr proċess ta’ konsultazzjoni sħiħ u adatt.

4.6

Fl-aħħar nett, politika ta’ kummerċ u investiment ambizzjuża tal-UE teħtieġ riżorsi adatti, iddedikati u suffiċjenti, kemm biex jiġu segwiti diversi negozjati fl-istess ħin, kif ukoll għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet kummerċjali (inkluż finanzjament biżżejjed għall-monitoraġġ tas-soċjetà ċivili), jew biex niġġustifikaw l-argument favur il-kummerċ mal-pubbliku inġenerali. L-assenjazzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti għal fejn huma l-aktar meħtieġa għandha tkun kunsiderazzjoni ewlenija fl-implimentazzjoni tal-“Kummerċ għal kulħadd”, inkluż ir-rwol li jaqdu l-Missjonijiet u d-Delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi terzi.

5.   Is-sostenibbiltà u l-valuri tal-UE — huma kruċjali biex nirbħu l-argument fost iċ-ċittadini

5.1

Se jkun importanti li nkunu konvinċenti dwar l-argument usa’ għall-kummerċ f’pajjiżna jekk irridu li l-“Kummerċ għal kulħadd” tirnexxi. Il-kummerċ u l-investiment huma issa parti mill-aġenda pubblika u jitqiesu importanti minn firxa wiesgħa tas-soċjetà ċivili, b’ħafna jqajmu mistoqsijiet dwar il-prinċipji bażiċi. Il-preżunzjoni aktar bikrija tal-UE li l-kummerċ liberalizzat huwa awtomatikament ta’ benefiċċju m’għadhiex aċċettata.

5.2

Il-“Kummerċ għal kulħadd” tittratta fit-tul it-tħassib li rriżulta matul in-negozjati tat-TTIP. Tindika b’mod qawwi li “Il-Kummissjoni trid issegwi politika li tibbenefika lis-soċjetà fit-totalità tagħha u tippromovi l-istandards u l-valuri Ewropej u universali flimkien mal-interessi ekonomiċi ewlenin, filwaqt li tpoġġi aktar enfasi fuq l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem, l-evażjoni tat-taxxa, il-protezzjoni tal-konsumatur u kummerċ responsabbli u ġust” (26). Id-dispożizzjonijiet għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evitar tat-taxxa se jkunu importanti wkoll. Tissokta billi twiegħed li “l-ebda ftehim tal-UE dwar il-kummerċ mhu ser iwassal għal livelli aktar baxxi ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ambjentali jew soċjali u tax-xogħol” (27). Wara l-COP 21, issa t-tisħin globali għandu jiġi inkluż.

5.3

Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir dawn l-impenji, li jibnu fuq il-pedamenti stabbiliti mill-“Ewropa Globali”, li jiddikjaraw li “hekk kif nimxu fit-triq tal-ġustizzja soċjali u l-koeżjoni f’pajjiżna, għandna nfittxu wkoll li nippromovu l-valuri tagħna, fosthom dawk soċjali u ambjentali, madwar id-dinja (28)”.

5.3.1

Parti mill-enfasi tal-UE dwar l-iżvilupp sostenibbli tirriżulta mix-xewqa ġenerali tagħha li tippromovi u ssaħħaħ it-twemmin komuni tagħha fid-demokrazija, fl-istat tad-dritt, fid-drittijiet tal-bniedem, fit-trasparenza u fil-prevedibbiltà. Fil-qalba ta’ dan hemm il-protezzjoni tal-ambjent, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet indirizzati kemm mill-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO kif ukoll mill-konvenzjonijiet ambjentali multilaterali ewlenin. Issa huwa essenzjali li l-SDGs jaqdu wkoll rwol ċentrali.

5.3.2

F’ħafna setturi, iżda b’mod partikolari mhux fil-każ tat-tessuti jew iċ-ċeramika, it-tariffi għandhom rwol sekondarju fin-negozjati kummerċjali meta mqabbla ma’ ostakoli nontariffarji u regoli, inkluża l-koperazzjoni regolatorja. Huwa l-effett ta’ dawn tal-aħħar li jqajjem tħassib dwar min jista’ tassew jibbenefika l-iktar. L-istess kif tenfasizza l-Komunikazzjoni, huwa essenzjali li l-kooperazzjoni regolatorja tintlaħaq mingħajr ma tiddgħajjef il-protezzjoni regolatorja eżistenti f’oqsma ewlenin bħas-saħħa, is-sigurtà, l-ambjent, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-konsumatur. Il-Kapitolu tal-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji tas-CETA jagħti indikazzjoni tat-triq ‘il quddiem. Id-dritt tar-regolazzjoni għandu jiġi ggarantit. L-istandards doppji għandhom jiġu evitati.

5.4

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon ix-xewqa ddikjarata tal-Kummissjoni, b’konformità mal-pożizzjonijiet tal-KESE, il-Parlament Ewropew u s-soċjeta ċivili usa’, li tipproteġi s-servizzi pubbliċi fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (FTAs), u huwa tal-fehma li l-aħjar mod biex isir dan huwa bl-użu ta’ lista pożittiva fir-rigward kemm tal-aċċess għas-suq kif ukoll it-trattament nazzjonali.

5.5

Peress li l-kummerċ sar iktar diskuss b’mod ġenerali, ir-ratifika tal-Parlament Ewropew tal-ftehimiet ta’ kummerċ ma tistax tiġi preżunta mill-ewwel, bis-setgħat ikbar tiegħu u firxa ferm usa’ ta’ perspettivi. Għalhekk il-Kumitat jistenna li, fin-negozjati dwar il-kummerċ, il-Kummissjoni tqis it-tħassib u l-kummenti espressi mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu, l-aktar reċenti dwar it-TTIP u t-TiSA. Minħabba l-possibbiltà li xi FTAs jkunu jkopru kompetenzi “mħallta”, f’dawn il-każijiet ser tkun meħtieġa r-ratifika mill-Parlamenti nazzjonali. F’każijiet bħal dawn ir-ratifika tkun tirrikjedi proċedura trasparenti għal kollox f’konformità mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali. Ser ikun essenzjali li l-Kummissjoni tkun iktar attiva biex tirbaħ l-approvazzjoni għal ftehimiet bħal dawn kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri.

5.6

Il-kwalitajiet pożittivi tal-UE rigward il-kummerċ jibqgħu wieħed mill-argumenti konvinċenti tagħha, iżda l-każ favur il-kummerċ u speċjalment l-investiment jeħtieġ li jiġi affermat b’mod kostanti. Jeħtieġ li jkun hemm livell għoli ta’ dibattitu infurmat kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri, inkluż is-soċjetà ċivili, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-partijiet interessati kollha jkollhom iċ-ċertezza li jsemmgħu leħinhom.

5.6.1

S’issa, firxa usa’ u attraenti ta’ prodotti importati, bl-għajnuna mit-tnaqqis fl-ispejjeż permezz tat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tat-tariffi, tqieset li ġabet benefiċċji ċari għall-konsumatur, permezz ta’ għażla u diversità akbar. Kwistjonijiet bħat-tnaqqis tat-tariffi tar-roaming għal telekomunikazzjonijiet ma’ msieħba kummerċjali għadhom pendenti. L-inkoraġġiment għal infiq pożittiv mill-konsumatur fil-lokalità tiegħu huwa essenzjali sabiex il-benefiċċji ġenerali tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fl-UE jinħassu, speċjalment permezz ta’ aktar tkabbir ekonomiku u aktar impjiegi.

5.7

Filwaqt li l-Komunikazzjoni tenfasizza l-importanza tal-kummerċ għall-UE, f’termini ta’ tkabbir u impjiegi, il-vuċi tal-konsumatur hija daqstant ieħor importanti peress li huwa mħasseb dwar it-telf potenzjali tal-istandards, u l-impronti ambjentali potenzjali.

5.7.1

Il-konsumaturi, rikonoxxuti mill-“Kummerċ għal kulħadd” (29) bħala li bbenefikaw mill-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-kummerċ, jeħtieġ jafdaw is-suq globali. Sabiex dan jintlaħaq, il-politika dwar il-kummerċ għandha titqies f’konformità mal-iżvilupp sostenibbli, inkluż is-sostenibbiltà ekonomika fit-tul. Il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jirriflettu dan bis-sħiħ u għandhom jitqiesu li jkollhom impatt.

5.7.2

Huwa essenzjali li l-konsumaturi u s-soċjetà ċivili usa’ jitqiegħdu fil-qalba tat-tfassil tal-politika. Il-Kumitat jemmen li l-enfasi tal-Komunikazzjoni biex il-politika għall-kummerċ tkun iktar ta’ ġid għall-konsumaturi, iktar miftuħa u trasparenti hija pass pożittiv ħafna. Madankollu, aħna għandna l-istess tħassib li fil-politika kummerċjali għadhom ma jeżistux mekkaniżmi li jistabbilixxu l-prinċipju tal-prekawzjoni u l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Min-naħa tiegħu dan jeħtieġ li jkun parti integrali mal-“prinċipju tal-innovazzjoni” (30).

6.   It-trasparenza u l-approfondiment tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili

6.1

Il-“Kummerċ għal kulħadd” ser tiġi ġġudikata minn jekk il-Kummissjoni jirnexxilhiex turi li l-ftehimiet kummerċjali mhux ser ibaxxu l-istandards ambjentali, tax-xogħol u oħrajn. Jeħtieġ turi wkoll li hi stess hija responsabbli għan-negozjati kummerċjali u ta’ investiment tagħha, u tista’ tinżamm responsabbli biex tagħmel tajjeb għall-preżunzjonijiet tagħha dwar benefiċċji għal kulħadd.

6.1.1

Dan jista’ jinkiseb biss permezz ta’ involviment aktar approfondit tas-soċjetà ċivili sa mill-bidu.

6.1.2

Il-“Kummerċ għal Kulħadd” tkopri l-ħtieġa ta’ impenn attiv mas-soċjetà ċivili iżda mhux daqskemm jista’ jkun mistenni. Bħala parti mir-rwol istituzzjonali tiegħu, il-KESE jinsab f’pożizzjoni tajba biex dan jiġi żviluppat permezz tal-involviment regolari tiegħu mas-soċjetà ċivili kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi barranin. Dan għandu jinvolvi wkoll aktar konsultazzjoni diretta tal-imsieħba soċjali dwar l-impatti possibbli tal-kummerċ u l-investiment fuq l-impjiegi.

6.2

Wara l-kontroversji tat-TTIP, il-Komunikazzjoni issa tirrikonoxxi bis-sħiħ il-ħtieġa għal trasparenza. Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir l-impenn li jingħata l-istess livell ta’ trasparenza għan-negozjati kollha bħal fil-każ tat-TTIP. Għaldaqstant, il-Kumitat jitlob lill-Kunsill biex jippubblika l-mandat u t-testi tan-negozjati għall-FTA bejn l-UE u l-Ġappun mingħajr dewmien.

6.2.1

Il-Kumitat jemmen li sessjonijiet ta’ informazzjoni għas-soċjetà ċivili matul kull ċiklu ta’ negozjati huma partikolarment importanti. Il-Grupp Konsultattiv speċifiku li twaqqaf biex jagħti kontribut hekk kif jiżviluppaw in-negozjati tat-TTIP kien ta’ benefiċċju wkoll: il-Kumitat kien diżappuntat li ma ġiex inkluż formalment bħala istituzzjoni. Din is-sitwazzjoni jeħtieġ titranġa fil-futur.

6.3

Madankollu, dak li l-Komunikazzjoni ma ssemmix b’mod ċar huwa liema huma l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tas-soċjetà ċivili għall-kapitoli tal-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD) fi ftehimiet tal-UE eżistenti dwar il-kummerċ, u lanqas kif dawn jistgħu jiġu żviluppati u msaħħa. Il-kumitat jemmen li l-mekkaniżmi ta’ infurzar għandhom japplikaw ugwalment għall-kapitoli tat-TSD, l-ewwel nett bil-proposta tal-Kummissjoni għat-TTIP.

6.3.1

Dan huwa ta’ diżappunt. Fir-risposta tiegħu għall-“Ewropa Globali”, il-Kumitat kien appella għall-inklużjoni ta’ kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli f’kull FTA sussegwenti, flimkien ma’ rwol attiv ta’ monitoraġġ għas-soċjetà ċivili (31).

6.3.2

Mill-Ftehim bejn l-UE u l-Korea tal-2010 “l hawn, kien hemm seba” ftehimiet kummerċjali tal-UE li jinkludu kapitolu prominenti dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli. Minn dak iż-żmien ‘l hawn il-Kumitat talab biex jiddaħħlu kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fi ftehimiet ta’ investiment awtonomi (32).

6.3.3

Il-Kumitat iqis li n-nuqqas ta’ kwalunkwe valutazzjoni dettaljata ta’ dawn il-kapitoli sal-lum, tal-monitoraġġ tagħhom jew tal-potenzjal tagħhom għall-iżvilupp, imur kontra l-intenzjoni ta’ min ifaħħarha tal-Kummissjoni li tkompli tippromovi kapitoli ambizzjużi u innovattivi dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment tal-UE, flimkien mad-dispożizzjonijiet sostantivi li jiddeskrivu.

6.3.4

Kull ftehim bħal dan kien jinkludi tipi varji ta’ mekkaniżmi konġunti tas-soċjetà ċivili għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli. Issa hemm biżżejjed esperjenzi miksuba u tagħlimiet minnhom sabiex wieħed janalizzahom u jagħmel rakkomandazzjonijiet ċari u pożittivi għall-futur.

6.3.5

Dawn il-mekkaniżmi għandhom potenzjal kbir u jista’ jkollhom riżultati tanġibbli f’termini tal-promozzjoni dwar l-impatt pożittiv tal-kummerċ u l-investiment fejn dan ikun japplika. Peress li jservu ta’ kanal importanti għad-djalogu u l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili minn pajjiżi msieħba, dawn jeħtieġu wkoll iż-żmien, l-isforzi u l-bini tal-kapaċità biex isiru kompletament operattivi u effettivi, speċjalment fejn il-mudell tad-djalogu ċivili u soċjali huwa differenti minn dak tal-UE. Ir-rabtiet eżistenti tal-KESE għenu fit-twaqqif ta’ Gruppi Konsultattivi Domestiċi (DAGs).

6.4

Hekk kif qed jikber in-numru ta’ korpi bħal dawn, hekk ukoll jikbru d-diffikultajiet reali biex tintlaħaq rappreżentazzjoni bilanċjata ta’ kull grupp fil-Gruppi Konsultattivi Domestiċi, u dan iwassal għal dewmien serju.

6.4.1

Problemi rikorrenti oħrajn jinkludu:

restrizzjonijiet fil-kapaċità ta’ organizzazzjonijiet rilevanti: tinħtieġ promozzjoni aħjar kemm ma’ pajjiżi msieħba kif ukoll fost atturi tas-soċjetà ċivili;

il-ħtieġa li fit-test ta’ ftehim tiddaħħal dispożizzjoni għal laqgħat konġunti tal-UE u d-DAGs tal-pajjiż imsieħeb, għall-iskambju tal-esperjenzi u l-istabbiliment ta’ punti ta’ riferiment komuni għall-monitoraġġ;

finanzjament adatt għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili: dan għandu jkopri attività usa’, inklużi seminars jew studji li jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ kummerċ u żvilupp sostenibbli.

6.4.2

Nirrakkomandaw ukoll li l-mandat tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi jiġi estiż biex ikopri kull kwistjoni ta’ interess għas-soċjetà ċivili, inkluża l-kooperazzjoni regolatorja, kapitoli dwar l-SMEs jew dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem.

Brussell, it-28 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2015) 497 final.

(2)  ĠU C 383, 17.11.2015, p. 34.

(3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(4)  “Better Framework for Innovation” ippubblikat minn BusinessEurope et al, Ġunju 2015.

(5)  COM(2006) 567 final.

(6)  Fil-każ taċ-Ċina l-istatus ta’ ekonomija tas-suq hija wkoll kwistjoni ewlenija.

(7)  Stqarrija għall-Istampa tal-KE, Lulju 2015.

(8)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(9)  Ibid.

(10)  Ibid.

(11)  Id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Nairobi — punt 4WT/MIN(15)/DEC https://www.wto.org/english/thewto_e/minist_e/mc10_e/mindecision_e.htm.

(12)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(13)  Ibid.

(14)  Rapport ta’ Informazzjoni dwar “Ir-responsabbiltà soċjali u soċjetali korporattiva” (http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.rex-opinions.35349).

(15)  COM(2015) 497 final, punt 5.1.

(16)  Ibid, punt 5.1.1.

(17)  Ibid.

(18)  Bħalissa qed jindirizza l-500 każ tiegħu.

(19)  Dikjarazzjoni finali tal-14-il Laqgħa tal-Gruppi ta’ Interessi Ekonomiċi u Soċjali tal-AKP-UE kif stipulat mill-Ftehim ta’ Cotonou.

(20)  ĠU C 383, 17.11.2015, p. 49.

(21)  ĠU C 67, 6.3.2014, s. 1.

(22)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 47.

(23)  COM(2015) 80 final.

(24)  Ibid.

(25)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-protezzjoni tal-investituri u s-soluzzjoni għat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment bejn l-UE u pajjiżi terzi” (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 45).

(26)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(27)  Ibid.

(28)  COM(2006) 567 final, punt 3.1.iii.

(29)  COM(2015) 497 final, punt 4.1.1.

(30)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

(31)  ĠU C 211, 19.8.2008 p. 82.

(32)  ĠU C 268, 14.8.2015, p. 19.


20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/134


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi”

[COM(2016) 71 final – 2016/43 NLE]

(2016/C 264/18)

Nhar l-24 ta’ Frar 2016, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 148(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

[COM(2016) 71 final – 2016/43 NLE].

Billi l-Kumitat diġà ta fehmtu dwar il-kontenut ta’ din il-proposta fl-Opinjoni ta’ qabel tiegħu dwar il-Linji gwida dwar l-Impjieg (EESC-2015-01167-00-02-AC-TRA) adottata fis-27 ta’ Mejju 2015 (*), iddeċieda, matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu tas-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April 2016), b’220 vot favur, vot 1 kontra u 7 astensjonijiet, li ma jfassalx opinjoni ġdida dwar il-kwistjoni, iżda li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokumenti imsemmija.

Brussell, is-27 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(*)  L-opinjoni tal-KESE SOC/519 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri COM(2015) 098 final – 2015/0051 (NLE), ĠU C 332, 8.10.2015, p. 68.