ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 141

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
22 ta' April 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 141/01

L-inapplikabbiltà ta’ dan ir-Regolament għal operazzjoni nnotifikata (Il-Każ M.7940 — Netto/Grocery store at Armitage Avenue Little Hulton) ( 1 )

1

2016/C 141/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.7726 — Coty/Procter & Gamble Beauty Businesses) ( 1 )

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 141/03

Rata tal-kambju tal-euro

2

2016/C 141/04

Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta’ Jannar 2016 dwar abbozz ta’ deċiżjoni relatat ma’ Il-Każ M.7637 — Liberty Global/BASE Belgium — Rapporteur: Ir-Repubblika Ċeka

3

2016/C 141/05

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — Liberty Global/BASE Belgium (M.7637)

5

2016/C 141/06

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Frar 2016 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Il-Każ M.7637 — Liberty Global/BASE Belgium) (notifikat bid-dokument numru C(2016) 531)  ( 1 )

7


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 141/07

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Kawża AT.40023 — Aċċess transfruntier għal televiżjoni bi ħlas

13

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 141/08

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

16

2016/C 141/09

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

21


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

22.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/1


L-inapplikabbiltà ta’ dan ir-Regolament għal operazzjoni nnotifikata

(Il-Każ M.7940 — Netto/Grocery store at Armitage Avenue Little Hulton)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 141/01)

Fis-26 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-operazzjoni notifikata fil-każ ta’ hawn fuq ma taqax fl-ambitu tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) billi hija ma tikkostitwixxix konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament imsemmi. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament. It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32016M7940. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


22.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.7726 — Coty/Procter & Gamble Beauty Businesses)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 141/02)

Fis-16 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32016M7726. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

22.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/2


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-21 ta’ April 2016

(2016/C 141/03)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1355

JPY

Yen Ġappuniż

124,50

DKK

Krona Daniża

7,4411

GBP

Lira Sterlina

0,78693

SEK

Krona Żvediża

9,1845

CHF

Frank Żvizzeru

1,0989

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,2015

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,024

HUF

Forint Ungeriż

310,70

PLN

Zloty Pollakk

4,3085

RON

Leu Rumen

4,4815

TRY

Lira Turka

3,1962

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4496

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4346

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,8088

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6262

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5252

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 286,36

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

16,0999

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,3525

HRK

Kuna Kroata

7,4870

IDR

Rupiah Indoneżjan

14 903,44

MYR

Ringgit Malażjan

4,4105

PHP

Peso Filippin

52,822

RUB

Rouble Russu

73,8545

THB

Baht Tajlandiż

39,743

BRL

Real Brażiljan

4,0043

MXN

Peso Messikan

19,6232

INR

Rupi Indjan

75,2595


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


22.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/3


Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta’ Jannar 2016 dwar abbozz ta’ deċiżjoni relatat ma’ Il-Każ M.7637 — Liberty Global/BASE Belgium

Rapporteur: Ir-Repubblika Ċeka

(2016/C 141/04)

Konċentrazzjoni

1.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-operazzjoni notifikata tikkostitwixxi konċentrazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

2.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-operazzjoni nnotifikata għandha dimensjoni tal-Unjoni, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

Swieq Rilevanti

3.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mad-definizzjonijiet tal-Kummissjoni għas-swieq ġeografiċi u tal-prodotti rilevanti fl-abbozz tad-Deċiżjoni.

Valutazzjoni Kompetittiva

Effetti orizzontali

4.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni proposta x’aktarx twassal għal effetti orizzontali mhux koordinati, li jimpedixxu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-konsumaturi għas-servizzi tat-telefonija ċellulari fil-Belġju.

5.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni proposta x’aktarx ma twassalx għal tfixkil sinifikanti tal-kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-konsumaturi għal servizzi tat-telefonija fissa fil-Belġjum (jiġifieri (i) is-suq tal-konsumaturi għas-servizzi tat-TV, (ii) is-suq tal-konsumaturi għal servizzi tal-Internet fissi u (iii) is-suq tal-konsumaturi għal servizzi tat-telefonija fissa) peress li l-kundizzjonijiet għall-konċentrazzjoni ma’ kompetitur potenzjali biex ikun hemm effetti sinifikanti ma ġewx issodisfati.

Effetti vertikali

6.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni proposta x’aktarx mhux se twassal għal effetti vertikali (preklużjoni fil-livell tal-input) billi teskludi l-fornituri tal-konsumaturi ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet biċ-ċellulari fil-Belġju minn aċċess tal-operaturi u oriġini tat-telefonati fuq netwerks taċ-ċellulari fil-Belġju.

7.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni proposta x’aktarx ma twassalx għal effetti vertikali (preklużjoni fil-livell tal-input) billi (i) teskludi l-fornituri tal-konsumaturi ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet fissi u (ii) fornituri tal-konsumaturi ta’ pakketti ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet fissi u biċ-ċellulari fil-Belġju minn aċċess tal-operaturi għan-netwerk tal-kejbil tat-Telenet.

8.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni proposta x’aktarx mhux se twassal għal effetti vertikali (preklużjoni fil-livell tal-input) billi teskludi fornituri tal-konsumaturi ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet biċ-ċellulari fil-Belġju minn aċċess għal (i) is-suq tal-operaturi ta’ linji mikrija, (ii) is-suq tal-operaturi għal servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati domestiċi, u (iii) is-suq tal-operaturi għat-terminazzjoni u l-hosting ta’ sejħiet għal numri mhux ġeografiċi.

Effetti ta’ konglomerat

9.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni proposta x’aktarx ma twassalx għal effetti ta’ konglomerat billi l-kompetituri tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jiġu esklużi minn (i) is-suq tal-konsumaturi għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet biċ-ċellulari, (ii) is-suq tal-konsumaturi għal servizzi tat-TV, (iii) is-suq tal-konsumaturi għal servizzi tal-Internet fissi u (iv) is-suq tal-konsumaturi għal servizzi tat-telefonija fissa riżultat ta’ ġbir flimkien (bundling) ta’ dawn is-servizzi fissi u biċ-ċellulari mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni.

Rimedju

10.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-impenji finali offruti mill-Parti Notifikanti fit-18 ta’ Diċembru 2015 huma biżżejjed biex ineħħu t-tħassib imqajjem mill-konċentrazzjoni proposta fir-rigward tal-effetti orizzontali mhux koordinati tal-konċentrazzjoni proposta fuq is-suq tal-konsumaturi Belġjan għal servizzi tat-telekomunikazzjonijiet biċ-ċellulari.

11.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li, soġġetta għal konformità sħiħa mal-impenji finali, il-konċentrazzjoni proposta x’aktarx ma timpedixxix b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu.

12.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni proposta għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim dwar iż-ŻEE skont l-Artikoli 2(2) u 8(2) tar-Regolament tal-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.


22.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/5


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Liberty Global/BASE Belgium

(M.7637)

(2016/C 141/05)

1.

Fis-17 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta li permezz tagħha Telenet NV (“Telenet”), ikkontrollata minn Liberty Global Broadband I Limited (“il-Parti Notifikanti”), takkwista l-kontroll tal-impriża BASE Company NV kollha kemm hi (“BASE”) permezz tax-xiri ta’ ishma (“it-Tranżazzjoni Proposta”).

2.

Fil-5 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tagħti bidu għal proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) (ir-Regolament dwar l-Għaqdiet). F’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li l-operazzjoni notifikata kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u li kienet tqajjem dubji serji dwar il-kompatibiltà tagħha mas-suq komuni u mal-Ftehim dwar iż-ŻEE fir-rigward is-swieq potenzjali għal servizzi bl-imnut u bil-grossa ta’ telekomunikazzjoni bil-mowbajl fil-Belġju. Fl-istess jum, il-Kummissjoni qasmet dokumenti ewlenin mal-Parti Notifikanti.

3.

Fis-6 ta’ Ottubru 2015, b’talba tal-Parti Notifikanti u skont l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-perjodu tat-tieni fażi għar-rieżami tat-Tranżazzjoni Proposta ġie estiż b’għaxart (10) ijiem ta’ xogħol. Il-limitu ta’ żmien ġie estiż b’għaxart (10) ijiem ta’ xogħol oħra fit-30 ta’ Ottubru 2015, bi qbil tal-Parti Notifikanti skont it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

4.

Fis-27 ta’ Ottubru 2015, b’talba motivata, jiena ppermettejt li Proximus NV van publiek recht jinstema’ bħala persuna terza interessata skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE.

5.

Fl-14 ta’ Settembru 2015, matul l-ewwel fażi tal-investigazzjoni, il-Parti Notifikanti ppreżentat proposti ta’ impenji sabiex jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni. Fit-18 ta’ Settembru 2015, il-Parti Notifikanti ppreżentat impenji modifikati.

6.

Abbażi tar-riżultati tal-ittestjar tas-suq tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-impennji modifikati ma indirizzawx b’mod sħiħ u b’mod ċar id-dubji serji identifikati mill-Kummissjoni matul l-ewwel fażi tal-investigazzjoni u għalhekk ma ssodisfawx l-istandard għal rimedji aċċettabbli fl-ewwel fażi tal-investigazzjoni.

7.

Wara l-bidu tat-tieni fażi tal-investigazzjoni, il-Parti Notifikanti ppreżentat sett ġdid ta’ impenji fis-27 ta’ Ottubru 2015. Fl-istess data, il-Parti Notifikanti infurmat lill-Kummissjoni dwar ftehimiet li jinvolvu Medialaan NV bħala riċevitur potenzjali ta’ rimedju inizjali.

8.

Fl-istess jum, il-Kummissjoni nediet eżami tas-suq ta’ dawn il-proposti.

9.

Wara dan it-tieni test tas-suq, il-Parti Notifikanti ppreżentat impenji riveduti fis-26 ta’ Novembru 2015 u fit-2 ta’ Diċembru 2015. Hija ppreżentat sett finali ta’ impenji fit-18 ta’ Diċembru 2015 (“l-Impenji Finali”).

10.

Il-Kummissjoni ma ħarġitx dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 802/2004 (3). Ma kien hemm l-ebda smigħ orali formali f’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament.

11.

Fl-abbozz ta’ deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Impenji Finali jindirizzaw bis-sħiħ l-impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva li ġie identifikat mill-Kummissjoni bħala li jirriżulta mit-Tranżazzjoni Proposta. B’riżultat ta’ dan, l-abbozz ta’ deċiżjoni jiddikjara t-Tranżazzjoni Proposta kompatibbli mas-suq intern u l-Ftehim dwar iż-ŻEE, skont l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, suġġetta għall-konformità sħiħa mal-Impenji Finali.

12.

Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jiena eżaminajt jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ingħataw l-opportunità li jippreżentaw l-opinjoniet tagħhom. Nikkonkludi li dan hu minnu.

13.

B’mod ġenerali, inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali ġie rrispettat matul il-proċedimenti preżenti

Brussell, is-26 ta’ Jannar 2016.

Joos STRAGIER


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1).


22.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/7


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-4 ta' Frar 2016

li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim dwar iż-ŻEE

(Il-Każ M.7637 — Liberty Global/BASE Belgium)

(notifikat bid-dokument numru C(2016) 531)

(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 141/06)

Fl-4 ta' Frar 2016 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f'każ ta' fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi  (1) (minn hawn 'il quddiem, “ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”), u partikolarment l-Artikolu 8(2) ta' dan ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa, billi l-każ jista' jkun fil-forma ta' verżjoni provviżorja, hija disponibbli fl-ilsien awtentiku tal-każ fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, f'dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

I.   IL-PARTIJIET

(1)

Telenet NV (“Telenet”), ikkontrollata minn Liberty Global Broadband I Limited (“Liberty Global”), hija operatur ta' netwerk bil-kejbil fil-Belġju, li jispeċjalizza fil-provvista ta' Internet fiss, servizzi tat-telefonija fissi u televiżjoni bil-kejbil għal klijenti fil-Fjandri kollha u f'partijiet ta' Brussell. Telenet toffri wkoll servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajl għall-konsumatur bħala operatur ta' netwerk virtwali tal-mowbajls (mobile virtual network operator, “MVNO”) fil-Belġju. Il-maġġoranza tal-konsumaturi tiegħu tal-mowbajls jgħixu fiż-żona koperta min-netwerk tal-kejbil tat-Telenet, li jkopri l-Fjandri u partijiet minn Brussell.

(2)

BASE Company NV (“BASE”) hija sussidjarja tal-grupp tat-telekomunikazzjonijiet Olandiż, KPN. BASE hija operatur tan-netwerk tal-mowbajls (mobile network operator, “MNO”) li toffri servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls fil-Belġju. BASE toffri wkoll aċċess għall-operaturi għan-netwerk tagħha lil MVNOs fil-Belġju. BASE hija fil-pussess ta' 50 % tal-ishma ta' VikingCo NV (“Mobile Vikings”). Mobile Vikings hija MVNO li jbigħ servizzi tal-mowbajl bil-marka kummerċjali Mobile Vikings u juża n-netwerk għall-mowbajls ta' BASE. Il-50 % l-oħra ta' Mobile Vikings huma fil-pussess ta' VikingCo International NV.

II.   L-OPERAZZJONI

(3)

Fit-18 ta' April 2015, ġie konkluż Ftehim ta' Xiri u Bejgħ (Sale and Purchase Agreement, “SPA”) bejn KPN Mobile International B.V. u KPN Mobile N.V, bħala bejjiegħa, u Telenet, bħala x-xerrejja, abbażi ta' liema Telenet takkwista l-ishma kollha maħruġa u ishma pendenti fil-kapital ta' BASE. Skont l-SPA, Telenet se takkwista biss kontroll uniku fuq BASE.

(4)

Fis-17 ta' Awwissu 2015, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li bih Telenet takkwista, fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll tal-impriża kollha ta' BASE, permezz ta' xiri ta' ishma.

III.   IL-PRODOTT RILEVANTI U SWIEQ ĠEOGRAFIĊI

(5)

L-operazzjoni tikkonċerna servizzi pprovduti fil-livell tal-operaturi u tal-konsumaturi fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet Belġjan.

(6)

Il-Kummissjoni tiddefinixxi s-suq tal-prodotti ġenerali għall-provvista lill-konsumaturi b'telekomunikazzjonijiet għall-mowbajls. Il-Kummissjoni tiddefinixxi tali suq tal-konsumaturi għal servizzi ta' telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls bħala b'kamp ta' applikazzjoni nazzjonali. Madankollu, fil-valutazzjoni tal-impatt kompetittiv tal-operazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li Telenet tikkompeti kważi esklussivament fiż-żona ġeografika li tikkorrispondi maż-żona koperta min-netwerk tal-kejbils.

(7)

Fir-rigward ta' servizzi tat-TV tal-konsumaturi, il-Kummissjoni ddefinixxiet is-suq ta' prodotti rilevanti bħala s-suq globali tal-konsumaturi għal servizzi tat-TV. Rigward l-ambitu ġeografiku, il-Kummissjoni ħalliet id-domanda miftuħa dwar jekk is-suq kienx nazzjonali, reġjonali, jew jikkorrispondix maż-żona koperta min-netwerk tal-kejbils tat-Telenet.

(8)

Fir-rigward tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet fissi, il-Kummissjoni ddefinixxiet is-suq bħala s-suq globali tal-konsumaturi għal servizzi ta' aċċess għall-Internet fissi, u ħalliet id-domanda miftuħa dwar jekk l-ambitu ġeografiku ta' dan is-suq għandux ikun nazzjonali, reġjonali, jew limitat għaż-żona koperta min-netwerk tal-kejbils tat-Telenet.

(9)

Il-Kummissjoni ddefinixxiet suq tal-prodotti globali għal telefonija fissa għall-konsumaturi, u ħalliet id-domanda dwar jekk il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku ta' dan is-suq għandux ikun nazzjonali, reġjonali jew limitat għaż-żona koperta min-netwerk tal-kejbils tat-Telenet.

(10)

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll jekk jistax jiġi identifikat suq tal-konsumaturi separat għall-hekk imsejħa servizzi “multiple play”, jiġifieri suq tal-konsumaturi fejn il-konsumaturi jixtru servizzi tat-telekomunikazzjonijiet għall-mowbajls flimkien b'servizz tat-telekomunikazzjonijiet fiss wieħed jew aktar (TV, Internet fiss, telefonija fissa). Il-Kummissjoni kkonkludiet li tali suq ma jeżistix attwalment fil-Belġju, fost l-oħrajn minħabba ammont limitat ta' servizzi fissi u tal-mowbajls mixtrija flimkien mill-konsumaturi. F'kull każ, kieku kien jeżisti suq tali tal-konsumaturi għal servizzi “multiple play”, l-effetti tal-operazzjoni fuq tali suq kienu jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni kompettitva tal-Kummissjoni ta' effetti ta' konglomerat possibbli.

(11)

Fil-livell tal-operaturi, il-Kummissjoni ddefinixxiet suq għal aċċess u oriġini ta' sejħiet fuq netwerks għall-mowbajls, li għandhom kamp ta' applikazzjoni nazzjonali.

(12)

Il-Kummissjoni identifikat ukoll swieq separati għal aċċess tal-operaturi għal servizzi tat-TV u tal-Internet, u ħalliet id-domanda dwar jekk dawn is-swieq għandhomx ikollhom kamp ta' applikazzjoni nazzjonali, jew ikunux limitati għaż-żona ta' kopertura tat-Telenet.

(13)

Il-Kummissjoni identifikat u ddefinixxiet ukoll swieq rilevanti għal: servizzi tal-operaturi ta' terminazzjoni tas-sejħiet fuq netwerks għall-mowbajls, servizzi tal-operaturi ta' roaming internazzjonali, servizzi tal-operaturi ta' terminazzjoni tas-sejħiet fuq netwerks fissi, servizzi tal-operaturi ta' tranżitu ta' sejħiet domestiċi fuq netwerks fissi, servizzi tal-operaturi ta' terminazzjoni u hosting ta' sejħiet għal numri mhux ġeografiċi, u aċċess tal-operaturi għal linji mikrija. Madankollu, il-Kummissjoni sabet li l-operazzjoni ma qajmitx tħassib ta' kompetizzjoni fir-rigward ta' xi wieħed minn dawn is-swieq.

IV.   VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA

1.   Valutazzjoni orizzontali: Il-kompetizzjoni effettiva tkun imxekkla b'mod sinifikanti fis-suq tal-konsumaturi għal telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls.

(14)

Fil-livell tal-konsumaturi, l-attivitajiet ta' BASE u tat-Telenet jikkoinċidu biss fir-rigward tas-suq tal-konsumaturi għal servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls. F'dan is-suq, BASE topera bħala MNO, li għandu n-netwerk tal-mowbajls tiegħu stess. Fl-2014, kellu sehem mis-suq ta' [10-20] % skont id-dħul and [20-30] % f'termini ta' abbonati.

(15)

Telenet toffri wkoll servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls tal-konsumaturi, iżda ma għandhiex netwerk għall-mowbajls. Hija topera bħala MVNO, billi tiddependi fuq aċċess bl-ingrossa għan-netwerk għal-mowbajls ta' Mobistar, MNO ieħor li hu attiv fil-Belġju. Telenet bdiet toffri servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls tal-konsumaturi fl-2006 bħala MVNO ħafif, u sar MVNO sħiħ fl-2012. Fl-2014, kellha sehem fis-suq ta' [5-10] % skont l-introjtu u [5-10] % f'termini ta' abbonati. Is-suċċess tat-Telenet bħala MVNO kien minħabba diversi fatturi speċifiċi, inkluż il-fatt li, meta nediet l-attivitajiet tagħha bħala MVNO, hija diġà kellha preżenza stabbilita fis-suq u marka fil-Belġju abbażi tal-attivitajiet tagħha bħala fornitur ta' servizzi tat-TV u tal-Internet fissi.

(16)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjoni se twassal għal tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva li jirriżulta minn effetti mhux koordinati kontra l-kompetizzjoni fuq is-suq tal-konsumaturi għal servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls fil-Belġju. Is-suq tal-mowbajls tal-konsumaturi Belġjan huwa suq ikkonċentrat ħafna b'ostakli kbar għall-introjtu. Fi tmiem l-2014, it-tliet MNOs fil-Belġju u Telenet flimkien kienu responsabbli għal [90-100] % tal-introjtu kollu. BASE kienet it-tielet l-akbar MNO skont l-introjtu u t-tieni l-akbar MNO f'termini ta' abbonati fi tmiem l-2014. Telenet kienet l-akbar MNVO fil-Belġju, kemm bħala introjtu kif ukoll bħala abbonati. Kienet ir-raba' l-akbar operatur tal-mowbajls fil-Belġju skont l-introjtu u l-abbonati. L-operazzjoni toħloq entità li ssir it-tieni l-akbar operatur tal-mowbajls f'termini ta' abbonati, wara Proximus, u t-tielet l-akbar operatur tal-mowbajls skont id-dħul, wara Proximus u Mobistar.

(17)

Il-Kummissjoni sabet li BASE u Telenet kienu kompetituri partikolarment attivi u aggressivi fis-suq tal-konsumaturi tal-mowbajls, partikolarment fis-settur privat (mhux kummerċjali) tas-suq. Wara l-operazzjoni, l-entità li tirriżulta minn konċentrazzjoni se tikkompeti b'mod anqas aggressiv, b'hekk tnaqqas il-kompetizzjoni fis-suq tal-konsumaturi għat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls.

(18)

Fil-livell tal-konsumaturi, Telenet kienet attiva wkoll fis-swieq tal-provvista tas-servizzi tat-TV, servizzi ta' aċċess għall-Internet fissi u servizzi tat-telefonija fissi. BASE mhix attiva fuq dawn is-swieq, peress li waqfet tipprovdi dawn is-servizzi fissi f'Diċembru 2014. Għalhekk, il-Kummissjoni sabet li l-operazzjoni ma qajmitx tħassib ta' kompetizzjoni orizzontali fuq dawn is-swieq, u mhux se tneħħi lil BASE bħala kompetitur (attwali jew potenzjali) ta' Telenet għal servizzi tat-TV tal-konsumaturi, servizzi ta' aċċess għall-Internet fiss u servizzi tat-telefonija fissi.

2.   Valutazzjoni vertikali: Il-kompetizzjoni effettiva mhux se tkun ostakolata b'mod sinifikanti riżultat ta' tnaqqis fl-aċċess tal-operaturi għan-network tal-mowbajls ta' BASE jew netwerk tal-kejbil tat-Telenet (preklużjoni fil-livell tal-input)

(19)

Fir-rigward tas-suq tal-operaturi għal aċċess u oriġini tas-sejħat fuq netwerks tal-mowbajls, il-Kummissjoni analizzat jekk l-entità li rriżultat minn konċentrazzjoni teskludix l-MVNOs fuq in-netwerk BASE minn aċċess għan-netwerk tal-mowbajls tagħha (preklużjoni fil-livell tal-input). L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjoni mhux se tibdel l-abbiltà tal-entità li tirriżulta minn konċentrazzjoni li timpenja ruħha fil-preklużjoni fil-livell tal-input, peress li BASE diġà tista' tiċħad l-aċċess għal pre-operazzjoni ta' MVNOs. It-tieni nett, il-Kummissjoni sabet li l-operazzjoni se tibdel l-inċentiva tal-entità li tirriżulta minn konċentrazzjoni li timpenja ruħha fi preklużjoni fil-livell tal-input biss sa ċertu limitu. Finalment, il-Kummissjoni sabet li anki jekk l-entità li rriżultat minn konċentrazzjoni timpenja ruħha fi preklużjoni fil-livell tal-input lejn MVNOs, din l-imġiba jkollha effetti limitati, peress li MVNOss (barra minn Telenet) ma għandhomx rwol suffiċjentement importanti fil-proċess ta' kompetizzjoni fis-suq tal-konsumaturi għal servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjoni mhux se twassal għal impediment sinfikanti għall-kompetizzjoni effettiva riżultat ta' preklużjoni fil-livell tal-input tal-aċċess tal-operaturi u l-oriġini tas-sejħat fuq netwerks tal-mowbajls fil-Belġju.

(20)

Fir-rigward tas-swieq għal aċċess tal-operaturi għal servizzi tat-TV u tal-Internet, il-Kummissjoni vvalutat jekk l-operazzjoni tibdilx l-abbiltà tat-Telenet u l-inċentiva biex jiġu esklużi operaturi tat-telekomunikazzjoni oħra billi jiġi ostakolat l-aċċess għan-netwerk tal-kejbil tiegħu, li jista' jkun input għall-provvista tal-konsumaturi ta' servizzi tat-telekomunikazzjonijiet fissi, bħat-telefonija fissa, l-Internet fiss u servizzi tat-TV. Il-Kummissjoni nnotat li r-regolaturi tat-telekomunikazzjonijiet Belġjani imponew lil Telenet l-obbligu li jagħti aċċess għan-netwerk tal-kejbil tiegħu għall-provvista ta' servizzi tat-TV tal-konsumaturi, u, flimkien ma' servizzi tat-TV tal-konsumaturi, servizzi ta' aċċess għal Internet tal-konsumaturi. Minħabba dan ir-reġim regolatorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li Telenet m'a ħandhiex l-abbiltà li teskludi aċċess għan-netwerk tal-kejbil tagħha bil-għan li tipprovdi servizzi tat-TV jew servizzi tal-Internet fissi flimkien ma' servizzi tat-TV u din is-sitwazzjoni mhux se tinbidel b'din l-operazzjoni. Fir-rigward ta' servizzi tal-Internet “stand-alone”, il-Kummissjoni nnotat li Telenet ma għandhiex l-abbiltà u l-inċentiva li teskludi l-aċċess għan-netwerk tal-kejbil tagħha, peress li ma hemm ebda obbligu regolatorju għat-Telenet li jagħti aċċess tal-operaturi għal servizzi tal-Internet fissi “standalone”. Madankollu, din is-sitwazzjoni diġà kienet teżisti qabel l-operazzjoni u ma kinitx affettwata mill-operazzjoni. Bħala tali, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjoni mhux se twassal għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva riżultat ta' esklużjoni tal-input tal-aċċess tal-operaturi għal netwerk tal-kejbil ta' Telenet.

3.   Valutazzjoni ta' effetti ta' konglomerat: L-operazzjoni mhux se twassal għal effetti ta' konglomerat minħabba r-raggruppament tas-servizzi fissi u ta-mowbajls

(21)

Il-Kummissjoni tivvaluta jekk l-operazzjoni twassalx għal effetti ta' konglomerat. L-operazzjoni tikkombina MNO ma' operatur b'netwerk fiss u l-Kummissjoni, għalhekk, tivvaluta jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tistax teskludi l-kompetituri bir-raggruppament ta' servizzi fissi u tal-mowbajls.

(22)

Il-Kummissjoni nnotat li qabel l-operazzjoni t-Telenet diġà kienet toffri l-erba' komponenti ta' pakketti “multiple play” għal servizzi fissi u tal-mowbajls (TV, Internet f'post fiss, servizzi ta' telefonija fissa u servizi ta' telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls). It-Telenet, għalhekk, diġà tista' tbiegħ pakketti mħallta għal servizzi fissi u tal-mowbajls lill-konsumaturi. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-operazzjoni ma tibdilx il-pożizzjoni ta' Telenet fi kwalunkwe suq tas-servizzi fissi, peress li BASE ma hija attiva fl-ebda wieħed minn dawn is-swieq. L-operazzjoni, madankollu, iżżid il-bażi ta' konsumaturi ta' servizzi tal-mowbajls tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, peress li tikkombina l-konsumaturi ta' BASE u Telenet. Min-naħa l-oħra, dan jista' possibilment jiffaċilita r-raggruppament ta' servizzi fissi u tal-mowbajls f'żewġ modi. L-ewwel nett, billi jagħmilha aktar faċli għal Telenet li tbigħ gruppi ta' servizzi fissi u tal-mowbajls lill-abbonati ta' BASE li sa issa għadhom ma xtrawx servizzi fissi minn Telenet. It-tieni nett, jista' jagħmilha aktar faċli għal Telenet li tbigħ pakketti ta' servizzi fissi u tal-mowbajls lill-abbonati ta' BASE li diġà jixtru servizzi fissi minn Telenet.

(23)

Fir-rigward tal-ewwel wieħed miż-żewġ tipi potenzjali ta' mġiba li jistgħu jiġu ffaċilitati mill-operazzjoni (esklużjoni billi jbigħu pakketti ta' servizzi fissi u tal-mowbajls lill-abbonati tas-servizz tal-mowbajls ta' BASE li sa issa ma xtrawx servizzi fissi minn Telenet), il-Kummissjoni nnotat dan li ġej. L-ewwel nett, mhuwiex probabbli li l-operazzjoni tagħti lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni l-abbiltà li timpenja ruħha f'esklużjoni permezz ta' raggruppament. Parti sinifikanti mill-konsumaturi ta' BASE jgħixu barra miż-żona ta' kopertura ta' Telenet u mhuwiex probabbli li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni toffri servizzi fissi u tal-mowbajls barra miż-żona ta' kopertura. Barra minn hekk, in-numru ta' klijenti BASE li t-Telenet għadha ma tbiegħx is-servizzi fissi tagħha lilhom, huwa limitat u diversi konsumaturi BASE huma konsumaturi mħallsa minn qabel, li l-ewwel iridu jinqalbu f'abbonati li diġà ħallsu qabel jiġu offruti pakketti fissi u tal-mowbajls. Dan huwa ostaklu addizzjonali għall-bejgħ inkroċjat ta' pakketti fissi u tal-mowbajls. Barra minn hekk, l-entità li rriżultat mill-konċentrazzjoni mhux se jkollha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-konsumaturi tal-mowbajls u għalhekk, hemm dubju dwar jekk l-entità hux se jkollha setgħa tas-suq suffiċjenti biex teskludi l-kompetituri permezz tar-raggruppament. Finalment, il-kompetituri tal-entità li tirriżulta minn kompetizzjoni jistgħu jużaw strateġiji ta' rispons, bħal dik li joffru pakketti ta' servizzi fissi u tal-mowbajls huma stess jew joffru servizzi tal-mowbajls bi prezzijiet attraenti biex iwaqqfu konsumaturi milli jixtru pakketti fissi u ta-mowbajls mill-entità li tirriżulta minn konċentrazzjoni.

(24)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma kinitx ċerta jekk it-Telenet għandhiex inċentiva biex timpenja ruħha f'bejgħ inkroċjat tas-servizzi fissi tiegħu lil konsumaturi tal-mowbajls ta' BASE, peress li x'aktarx ikollu joffri dawn is-servizzi bi skont, li jista' jiġi bi spiża għal Telenet.

(25)

Finalment, il-Kummissjoni sabet li tali mġiba x'aktarx ma jkollhiex impatt negattiv fuq il-prezzijiet u l-għażla peress li mhuwiex probabbli li l-kompetituri joħorġu mis-suq jew jitilfu l-abbiltà li jikkompetu effettivament. Il-volum ta' bejgħ li jista' jiġi eskluż permezz ta' raggruppament riżultat tal-operazzjoni huwa limitat. Barra minn hekk, maġġoranza kbira tas-servizzi kollha tal-Belġju għadha tinxtara bħala servizz “stand-alone”, mhux f'pakkett. L-MNOs l-oħra fis-suq tal-Belġju huma Proximus u Mobistar u huma wkoll jistgħu jimpenjaw ruħhom f'raggruppamenti. Proximus hija l-akbar operatur tat-telekom fis-suq tal-konsumaturi Belġjan u hija involuta hija stess f'pakkett ta' servizzi fissi u tal-mowbajls. Mobistar hija, anki wara l-operazzjoni, it-tieni l-akbar operatur tal-mowbajls skont l-introjtu, wara Proximus. Hija tista' toffri servizzi fissi abbażi ta' aċċess tal-operaturi għal kejbil tan-netwerk tat-Telenet u diġà ħabbret li se tagħmel dan. Telenet hija taħt obbligu regolatorju li jipprovdi aċċess għan-netwerk tagħha sabiex operaturi alternattivi joffru servizzi tat-TV u, flimkien ma' servizzi tat-TV, servizzi tal-Internet fissi.

(26)

Fir-rigward tat-tieni tip ta' imġiba (esklużjoni bil-bejgħ ta' pakketti ta' servizzi fissi u tal-mowbajls lill-abbonati tal-mowbajls ta' BASE li jixtru wkoll servizzi fissi minn Telenet), il-Kummissjoni nnotat dan li ġej. L-ewwel nett, l-operazzjoni mhux se żżid b'mod sinifikanti l-abbiltà ta' Telenet li teskludi l-kompetituri billi toffri kont wieħed jew pakkett lil abbonati ta' BASE li diġà jixtru servizzi tat-Telenet. Kif indikat fil-paragrafu 22, dan il-vantaġġ huwa limitat minn numru ta' elementi, speċjalment mill-fatt li parti sinifikanti ta' abbonati ta' BASE jgħixu barra miż-żona ta' kopertura ta' Telenet u huma abbonati diġà mħallsa. Barra minn hekk, Telenet tista', anki wara l-operazzjoni, ma jkollhiex pożizzjoni dominanti fis-suq tal-konsumaturi tal-mowbajls u r-rivali tal-entità li rriżultat minn konċentrazzjoni jistgħu jkunu involuti fi strateġiji ta' rispons b'reazzjoni għar-raggruppament. It-tieni nett, ma kienx ċert jekk Telenet kellhiex inċentiv li tinvolvi ruħha f'tali imġiba, meta jiġi kkunsidrat li n-natura spekulattiva tal-gwadanji fit-tul ta' strateġija ta' foreclosure. Finalment, kif spjegat fil-paragrafu 24, tali imġiba x'aktarx mhux se jkollha impatt negattiv fuq il-prezzijiet jew twassal għal foreclosure tal-kompetituri li, b'mod partikolari, jistgħu joffru pakketti huma stess jew jagħtu prezz orħos għas-servizzi tagħhom tal-mowbajls biex iwaqqfu lill-konsumaturi milli jixtru l-pakkett tal-entità li tirriżulta minn konċentrazzjoni.

4.   Konklużjoni dwar il-valutazzjoni kompetittiva

(27)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-operazzjoni se twassal għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva li jirriżulta minn effetti kontra l-kompetizzjoni mhux ikkoordinati fuq is-suq tal-konsumaturi għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-Belġju. Il-Kummissjoni sabet li l-operazzjoni mhux se twassal għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fir-rigward tal-effetti vertikali u ta' konglomerat fuq is-swieq tat-telekomunikazzjonijiet tal-konsumaturi jew tal-operaturi fissi u tal-mowbajls.

V.   IMPENJI

(28)

Sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni dwar is-suq tal-konsumaturi għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls, Liberty Global ippreżentat impenji.

1.   Deskrizzjoni tal-impenji

(29)

L-impenji finali ppreżentati minn Liberty Global jikkonsistu f'żewġ elementi. L-ewwel, Telenet se ċċedi tnejn mill-bażijiet tal-konsumaturi ta' BASE, li jammontaw għal […] abbonati attivi, għal xerrej wieħed. It-tieni, Telenet tidħol fi ftehim MVNO max-xerrej tal-bażijiet tal-konsumaturi, li jiffaċilita lill-akkwirent (remedy taker) jopera fis-suq tal-konsumaturi għal servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls bħala MVNO fuq in-netwerk ta' BASE. L-impenji finali inkludew klawżola ta' xerrej upfront (Telenet ma setgħetx tagħlaq l-operazzjoni qabel ma kkonkludiet ftehim għaċ-ċessjoni tal-bażijiet tal-konsumaturi) u rrikjedew li l-Kummissjoni tapprova l-ftehim MVNO bħala konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-impenji finali.

(30)

Liberty Global ipproponiet Medialaan lill-Kummissjoni bħala akkwirent preventiv. Liberty Global pprovdiet ukoll kopji lill-Kummissjoni ta' (i) il-ftehim ma' Medialaan għall-bejgħ ta' bażijiet tal-konsumaturi ta' BASE; u (ii) il-ftehim MVNO ma' Medialaan.

(31)

Fl-ambitu tal-impenji finali, Telenet se tittrasferixxi lil Medialaan is-sjieda tal-konsumaturi tal-marka “JIM Mobile”, u s-sehem tagħha ta' 50 % fid-dawl ta' MVNO Mobile Vikings. “JIM Mobile” hija marka diġà fis-sjieda ta' Medialaan, iżda l-konsumaturi “JIM Mobile” jappartjenu lil BASE. Mobile Vikings hija MVNO ħafifa li topera fuq in-netwerk BASE, li fiha BASE għandha sehem ta' 50 %. B'mod parallel mal-akkwist tas-sehem ta' BASE f'Mobile Vikings, Medialaan akkwista separatament is-sehem l-ieħor ta' 50 % f'Mobile Vikings. L-effett ikkombinat tal-impenji finali u l-akkwist separat ta' Medialaan huwa għalhekk li Medialaan se tkun fil-pussess direttament jew indirettament ta' 100 % ta' Mobile Vikings.

(32)

L-impenji finali pprovdew li l-ftehim MVNO jista' jkollu l-karatteristiċi li ġejjin: (i) Medialaan se ssir MVNO sħiħ f'terminu ta' żmien stabbilit, bl-għajnuna ta' Telenet; (ii) il-ftehim MVNO se jkollu tul ta' ħames snin minn meta jiġi mniedi b'mod sħiħ MVNO; (iii) skont il-ftehim MVNO, l-MVNO se jopera skont mudell “pay-as-you-go”, iżda jkollu l-għażla li jakkwista kapaċità minn BASE għal dejta (il-mudell “pay-as-you-go” se jkompli għal voice u SMS); (iv) bl-għażla tal-kapaċità, Medialaan se takkwista, għal prezz annwali fiss, 20 % tal-kapaċità fuq in-netwerk ta' BASE, bil-possibbiltà li jakkwista kapaċità addizzjonali ulterjuri (5 % u żieda ta' 5 % oħra); (v) fil-każ tal-eżerċizzju tal-għażla tal-kapaċità, il-ftehim MVNO se jiġi estiż għal ħames snin mill-ewwel sena ta' implimentazzjoni tal-għażla tal-kapaċità; (vi) il-ftehim MVNO se jkollu perjodu ta' esklussività ta' perjodu ta' żmien fiss li jibda mid-data ta' ċessjoni tal-bażijiet tal-konsumaturi, li fih Medialaan ma jiddependix fuq host MNO ieħor; (vii) bl-għażla tal-kapaċità, jekk Medialaan taqbeż il-kapaċità mixtrija minn BASE, hija se tkun intitolata wara l-perjodu ta' esklussività li tiddependi fuq MNO ieħor għall-kapaċità żejda meħtieġa (bħala alternattiva għax-xiri ta' kapaċità addizzjonali minn BASE).

2.   Valutazzjoni tal-impenji ppreżentati u tal-akkwirent

(33)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-impenji finali neħħew it-tħassib orizzontali tal-Kummissjoni fir-rigward tas-suq tal-konsumaturi għal servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls.

(34)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li ċ-ċessjoni ta' żewġ bażijiet ta' konsumaturi (konsumaturi ta' “JIM Mobile” u Mobile Vikings) lil Medialaan toħloq operatur tal-mowbajls tal-iskala u l-kopertura meħtieġa li jikkompeti b'mod aggressiv fuq is-suq tal-konsumaturi għal telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls u joħloq mill-ġdid sakemm jista' jkun l-pressjoni kompetitiva eżerċizzata mill-pre-operation tat-Telenet.

(35)

Fir-rigward tal-ftehim MVNO, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-mudell “pay-as-you-go” […], u b'hekk tippermetti lil Medialaan topera permezz ta' ċirkostanzi ekonomiċi favorevoli. Fir-rigward tal-għażla tal-kapaċità, il-Kummissjoni kkunsidrat li din l-għażla se tippermetti lil Medialaan tkompli tikber u tikkompeti b'mod effettiv.

(36)

Bħala parti mill-valutazzjoni, il-Kummissjoni analizzat ukoll lil Medialaan bħala akkwirent propost. Il-Kummissjoni kkonkludiet li Medialaan tista' tkun xerrej adatt, tkun indipendenti minn Telenet u jkollha r-riżorsi finanzjarji, il-kompetenza u l-inċentivi li tikkompeti effettivament fuq is-suq tal-konsumaturi għal telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls. B'mod partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-trasferiment ta' konsumaturi ta' “JIM Mobile” u Mobile Vikings għal Medialaan u t-tranżizzjoni ta' Medialaan għall-MVNO sħiħ jistgħu jiġu akkwistati fiż-żmien pprovdut fl-impenji finali u jista' jippermetti lil Medialaan issir kompetitur effettiv. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-akkwist ta' Medialaan tal-konsumaturi ta' “JIM Mobile” u Mobile Vikungs ma jqajjimx tħassib ta' kompetizzjoni prima facie.

(37)

Il-Kummissjoni għamlet rieżami tal-ftehim MVNO bejn Telenet u Medialaan u kkonkludiet li t-termini tagħha kienu konformi mar-rekwiżit tal-impenji finali.

(38)

Il-Kummissjoni, għalhekk, ikkonkludiet li l-impenji finali se jneħħu t-tħassib orizzontali li kienet identifikat fir-rigward tas-suq tal-konsumaturi għal telekomunikazzjonijiet tal-mowbajls. Hija approvat Medialaan bħala akkwirent adatt u ddikjarat il-ftehim MVNO konsistenti mal-impenji finali.

VI.   KONKLUŻJONI

(39)

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, id-deċiżjoni tikkonkludi li, suġġett għal konformità mal-impenji tal-parti notifikanti, il-konċentrazzjoni proposta mhux se timpedixxi b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni fis-Suq Intern jew f'parti sostanzjali tiegħu.

(40)

Konsegwentement, il-konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-Suq Intern u l-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, skont l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

22.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/13


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Kawża AT.40023 — Aċċess transfruntier għal televiżjoni bi ħlas

(2016/C 141/07)

1.   Introduzzjoni

(1)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (1), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi - f’każijiet fejn tkun beħsiebha tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li jintemm xi ksur u li l-partijiet ikkonċernati joffru li jimpenjaw ruħhom biex jindirizzaw it-tħassib espress lilhom mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni preliminari tagħha - li tagħmel dawk l-impenji vinkolanti fuq l-impriżi. Deċiżjoni bħal din tista’ tiġi adottata għal perjodu speċifiku u tikkonkludi li ma hemmx aktar raġunijiet għal azzjoni mill-Kummissjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 27(4) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni tippubblika sommarju konċiż tal-każ u l-kontenut prinċipali tal-impenji. Il-partijiet interessati jistgħu jressqu l-kummenti tagħhom sal-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni.

2.   Sommarju tal-Każ

(3)

Fit-23 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni adottat Stqarrija ta’ Oġġezzjonijiet (“SO”) li tikkonċerna, fost oħrajn, l-imġieba minn Paramount Pictures International Limited (bħala suċċessur permezz ta’ fużjoni lil Viacom Global (Netherlands) B.V.) (“PPIL”) u Viacom Inc. (“Viacom”) (flimkien “Paramount”). L-SO tikkostitwixxi wkoll valutazzjoni preliminari fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(4)

Skont l-SO, Paramount daħlet fi ftehimiet tal-liċenzja max-xandar tat-televiżjoni bi ħlas, Sky UK Limited, li għandhom klawsoli li:

jipprojbixxu jew jillimitaw Sky milli tagħmel disponibbli għall-bejgħ is-servizzi ta’ televiżjoni bi ħlas bħala tweġiba għal talbiet mhux mixtieqa minn klijenti li jgħixu jew jinsabu fiż-ŻEE iżda barra r-Renju Unit u r-Repubblika tal-Irlanda; u/jew

jeħtieġu lill-Paramount li tipprojbixxi jew tillimita lil xandara li jinsabu fiż-ŻEE iżda barra r-Renju Unit u r-Repubblika tal-Irlanda milli jagħmlu disponibbli għall-bejgħ is-servizzi ta’ televiżjoni bi ħlas tagħhom bħala tweġiba għal talbiet mhux mixtieqa minn klijenti li jgħixu jew jinsabu fir-Renju Unit u r-Repubblika tal-Irlanda (iż-żewġ tipi ta’ klawsoli huma riferuti bħala l-“Klawsoli Kontestati”).

(5)

L-SO jasal għall-konklużjoni preliminari li l-imġieba tal-Paramount tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) minħabba: (i) li l-klawsoli għandhom bħala l-għan tagħhom ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE; (ii) li m’hemm l-ebda ċirkostanzi li jaqgħu fi ħdan il-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-klawsoli li jiġġustifikaw is-sejba li mhumiex responsabbli li jxekklu l-kompetizzjoni; u (iii) li l-klawsoli ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-TFUE u l-Artikolu 53(3) tal-Ftehim ŻEE.

(6)

L-SO hu kkonċernat ukoll bl-imġieba fuq naħa waħda ta’ Sky, u fuq in-naħa l-oħra, Disney, NBCUniversal, Sony, Twentieth Century Fox u Warner Bros. Il-Kummissjoni għadha qed tinvestiga l-kompatibbiltà mal-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE dwar l-imġieba ta’ Disney, NBCUniversal, Sony, Twentieth Century Fox, Warner Bros u Sky (inkluża l-imġieba tal-aħħar kumpanija msemmija b’rabta mal-klawsoli msemmija hawn fuq fil-ftehimiet tal-liċenzja bejn Paramount u Sky).

3.   Il-Kontenut Prinċipali tal-Impenji Offruti

(7)

Paramount ma taqbilx mat-tħassib espress fl-SO. Hi madankollu offriet impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 biex tilqa’ għat-tħassib ta’ kompetizzjoni tal-Kummissjoni. L-elementi ewlenin tal-impenji huma li ġejjin:

(a)

Paramount m’għandiex tidħol fi, iġġedded jew testendi Ftehim ta’ Liċenzja ta’ Output ta’ televiżjoni bi ħlas (2) li, b’rispett ta’ kwalunkwe territorju fiż-ŻEE, jintroduċi (mill-ġdid) kwalunkwe Obbligu Addizjonali. Dawn huma definiti bħala:

obbligi kuntrattwali tat-tip identifikat fl-SO li jipprevjenu jew jillimitaw Xandar milli jwieġeb għal talbiet mhux mixtieqa minn klijenti li jgħixu u jinsabu fiż-Żona Ekonomika Ewropea iżda ‘l barra mit-territorju liċenzjat tax-Xandar (“Obbligu tax-Xandar”);

obbligi kuntrattwali tat-tip identifikat fl-SO li jitolbu lil Paramount li tipprevjeni jew tillimita Xandara li jinsabu fiż-Żona Ekonomika Ewropea iżda ‘l barra mit-territorju liċenzjat tax-Xandar milli jwieġbu għal talbiet mhux mixtieqa minn klijenti li jgħixu u jinsabu ‘l barra mit-territorju liċenzjat tax-Xandar (“Obbligu tal-Paramount”);

(b)

Paramount m’għandiex:

tfittex li tinforza jew li tibda proċedimenti quddiem qorti jew tribunal għall-ksur tal-Obbligu tax-Xandar minn Ftehim ta’ Liċenzja ta’ Output ta’ televiżjoni bi ħlas; u

direttament jew indirettament iżżomm jew tinforza Obbligu tal-Paramount fi Ftehim ta’ Liċenzja ta’ Output ta’ televiżjoni bi ħlas eżistenti.

(8)

L-impenji tal-Paramount ikopru kemm servizzi lineari ta’ televiżjoni bi ħlas u, sal-punt inkluż fil-liċenzja (jew liċenzja(i) separata(i)) ma’ xandar, sottoskrizzjoni għal servizzi tal-midja awdjoviżiva ta’ vidjows fuq talba (“SVOD”).

(9)

It-tul tal-impenji ikun ta’ ħames snin mid-data meta Paramount tirċievi notifika formali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(10)

L-impenji huma ppubblikati kollha kemm huma bl-Ingliż fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni f’:

http://ec.europa.eu/competition/index_en.html

4.   Stedina għall-Kummenti

(11)

Soġġet għall-ittestjar tas-suq, il-Kummissjoni beħsiebha tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li fiha tiddikjara li l-impenji li jinsabu fis-sommarju ta’ hawn fuq u ppubblikati fuq l-Internet, fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, huma vinkolanti.

(12)

Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tistieden lil partijiet terzi interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-impenji proposti. Dawn il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-partijiet terzi interessati huma wkoll mistiedna jippreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kummenti tagħhom, li fiha kwalunkwe informazzjoni li jiddikjaraw li hija sigriet kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra għandha titħassar u tiġi ssostitwita kif xieraq b’sommarju mhux kunfidenzjali jew bil-kliem “sigrieti kummerċjali” jew “kunfidenzjali”.

(13)

It-tweġibiet u l-kummenti għandhom preferibbilment ikunu motivati u għandhom jippreżentaw il-fatti rilevanti. Jekk tidentifika problema fi kwalunkwe parti tal-impenji proposti, il-Kummissjoni tistiednek ukoll biex tissuġġerixxi soluzzjoni possibbli.

(14)

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bin-numru ta’ referenza AT.40023 – Aċċess transfruntier għal televiżjoni bi ħlas jew bil-posta elettronika (COMP-GREFFE-ANTITRUST@ec.europa.eu), inkella bil-faks (+32 22950128) jew bil-posta, f’dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Antitrust Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102 rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa (“TFUE”). Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ din in-notifika, ir-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE fejn applikabbli.

(2)  “Ftehim ta’ Liċenzja ta’ Output ta’ telviżjoni bi ħlas” kif definit bħala ftehim li jagħti liċenzja lil Xandar (bħala detentur ta’ liċenzja) tal-output futur ta’ detentur ta’ liċenzja ta’ films definiti fuq bażi esklussiva (u jista’ jinkludi kontenut awdjoviżiv ieħor) għal perjodu limitat ta’ żmien fejn ix-Xandar jista’ juri l-films fuq bażi ta’ televiżjoni bi ħlas, u sal-punt inkluż fil-liċenzja (jew liċenzja(i) separata(i) ma’ tali Xandar, fuq bażi SVOD.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

22.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/16


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2016/C 141/08)

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li l-applikazzjoni tiġi opposta skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

DOKUMENT UNIKU

“PÃO DE LÓ DE OVAR”

Nru EU: PT-PGI-0005-01341 — 28.5.2015

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   L-isem

“Pão de Ló de Ovar”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Portugall

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Il-Klassi 2.3. Ħobż, pasti, kejkijiet, ħlewwiet, gallettini u prodotti oħra tal-furnar

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-prodott moħmi “Pão de Ló de Ovar” hu magħmul bil-bajd (l-aktar bl-isfra tal-bajd), biz-zokkor u bid-dqiq.

Dan jikkonsisti minn kejk isfar, artab, kremuż u ċar magħruf bħala , li joħroġ minn forom miksija bil-karta bajda bl-għamla ta’ ħobża tal-Malti u b’qoxra kannella dehbiena, daqsxejn umda u ratba filwaqt li l-qalba hi umda u tissejjaħ pito. Dawn huma l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi tal-prodott:

Il-parametri fiżiċi: il-valuri medji għal żewġ daqsijiet tal-prodott “Pão de Ló de Ovar”:

 

“Pão de Ló de Ovar”

Miniatura jew Infantes

“Pão de Ló de Ovar”

Normali

Min.

Mass.

Min.

Mass.

Piż (g)

100

125

485

1 500

Għoli (cm)

3

8

7

14

Dijametru (cm)

11

12

16

28

Il-prodott “Pão de Ló de Ovar” iż-żgħir jissejjaħ ukoll Infantes [“tarbija”].

Il-kompożizzjoni kimika: il-valuri medji:

 

Min.

Mass.

Min.

Mass.

Zokkor (%)

37,80

49,20

Jinħall

29,20

Jinħall

39,20

Ma jinħallx

5,40

Ma jinħallx

13,40

Xaħam (%)

12,80

18,20

 

 

Ilma b’kollox (%)

24,50

33,10

 

 

Proteina (%)

7,40

14,60

Jinħall

1,30

Jinħall

2,70

Ma jinħallx

7,90

Ma jinħallx

10,10

Attività tal-ilma

0,831

Attività tal-ilma

0,937

Meta jkun fuq l-ixkaffa, il-prodott jitlef xi ftit mill-umdità tiegħu, u allura dawn iċ-ċifri jaf jonqsu bi 2,5 %.

Il-karatteristiċi organolettiċi

Il-lewn

Il-qoxra: isfar mixwi jagħti fil-kannella

Il-parti umda jew il-pito: isfar dehbien tal-isfar tal-bajd, jaf ikun jagħti fl-oranġjo jew xi daqsxejn fil-kannella.

Il-parti xotta: isfar tal-isfar tal-bajd, b’xi traċċi fl-oranġjo

Id-dehra

Il-qoxra: uniformi; il-wiċċ jaf ma jkunx lixx meta l-kejk jinżel, u jaf ikollu xi ftit bżieżaq tal-għaġina.

Il-parti umda jew il-pito: kremuża, daqsxejn likwida u waqt il-qtugħ tal-“pão de ló” din jaf toħroġ

Il-parti xotta: ratba

L-aroma

Il-Pão de Ló: daqsxejn ta’ bajd, bi ħjiel tal-karamella (iżda mhux maħruqa)

It-togħma

Il-Pão de Ló: ħelwa u ta’ bajd

It-tessut

Il-Pão de Ló: b’konsistenza medja li jdub fil-ħalq, artab, filwaqt li l-parti kremuża tal-prodott tkun tista’ titgawda bis-sħiħ

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Bajd frisk, zokkor abjad, dqiq tal-qamħ (it-tip 55) u melħ Il-melħ mhux bilfors.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

It-tħejjija tat-taħlita

F’dan l-istadju, l-esperjenza hi kruċjali biex tinkiseb il-kwalità tal-prodott aħħari għax il-furnar jeħtieġlu jħaddem is-sengħa biex jagħraf meta t-taħlita tkun preċiża.

It-tħejjija u l-mili fil-forom

Il-forom jinksew bil-karta tat-tisjir li trid tinqata’ tal-qies. Dan isir bis-sengħa u jeħtieġ il-ħila tal-idejn.

It-taħlita tinxteħet fil-forom u anki dan il-proċess irid isir bis-sengħa u bl-esperjenza tal-furnar.

Il-ħami

Il-furnar jaħmi l-prodott “Pão de Ló de Ovar” b’ħafna attenzjoni għax l-ammont tal-pito, li hija karatteristika distintiva, jiddependi mill-ħin tal-ħami.

Il-prodott jibred

Il-prodott “Pão de Ló de Ovar” jitħalla jibred fil-forom, u meta jibred, jinqatgħu l-karti.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-tikketta trid tindika dan:

1.

Il-kliem “Pão de Ló de Ovar — Indikazzjoni Ġeografika Protetta” jew “Pão de Ló de Ovar IĠP”

2.

Il-logo tal-prodott “Pão de Ló de Ovar” hu dan:

Image

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-muniċipalità ta’ Ovar (il-parroċċi ċivili ta’ Esmoriz, Cortegaça, Maceda, Arada, Ovar, São João, São Vicente u Válega).

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Fejn tidħol il-produzzjoni tal-prodott “Pão de Ló de Ovar”, is-sengħa tmur lura sa tmiem is-seklu tmintax u baqgħet fil-konfini tal-muniċipalità ta’ Ovar, jew ta’ Villa de Ovar kif inhi magħrufa.

Il-produzzjoni tal-prodott “Pão de Ló de Ovar” hi ristretta għall-muniċipalità ta’ Ovar għax f’dan il-post kienet issir b’mod tradizzjonali u kisbet ir-reputazzjoni, b’ratba mal-kalendarju tal-Ġimgħa Mqaddsa — bħalma ddokumentaw il-parruċċani sa mill-1781 — u din hija tradizzjoni storika speċifika għaż-żona.

Padre Manuel Lírio jikkonferma li l-prodott “Pão de Ló de Ovar” ilu jsir f’Villa de Ovar sa minn tmiem is-seklu tmintax, għax kellu l-opportunità jaqra l-fdalijiet immermra tal-Irmandade dos Passos. Meta kien qed josserva l-kotba “mmermrin wiċċhom ‘l isfel fl-art, bil-paġni mqattgħin, sfoljati, imkemmxin u mixħutin munzell fuq xulxin bħal bċejjeċ maħmuġin” f’Os Passos: subsídios para a história de Ovar, Padra Lírio kiteb li: “fl-1781, is-saċerdoti li kienu jerfgħu l-vari waqt il-purċissjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa kienu jingħataw il-Pao de Ló de Ovar bħala rigal. Dan hu wirt li jixhed kemm dan il-ħelu ilu jeżisti.”

Ir-reputazzjoni tal-prodott tistrieħ fuq tagħqida ta’ fatturi naturali u reġjonali u fuq il-kwalità għolja tal-bajd li jintuża flimkien mas-sengħa li hija tassew meħtieġa biex jinkiseb il-prodott aħħari.

Il-prodott “Pão de Ló de Ovar” jista’ jingħaraf minn prodotti moħmija oħra minħabba l-għamla tiegħu bħall-ħobża Maltija, il-kejk isfar, artab, kremuż u ċar magħruf bħala , u l-qoxra kannella dehbiena, daqsxejn umda u ratba li jsiru bil-metodi artiġjanali, u l-qalba umda li tissejjaħ pito.

Il-metodu tal-produzzjoni li jintuża biex jiġi magħmul il-kejk isfar, artab, kremuż u ċar fih bosta stadji, iżda kull pass tat-tħejjija magħġun flimkien mas-sengħa tal-furnara ta’ Ovar jiswew mitqlu deheb biex jinkiseb il-ħami t-tajjeb li jiżgura li l-prodott aħħari jkollu l-karatteristiċi meħtieġa.

L-ewwel nett, biex titħejja l-għaġina, il-bajd irid jitħabbat flimkien maz-zokkor u mal-melħ (mhux bilfors) għal għoxrin minuta sakemm it-taħlita tikseb lewn bajdani. Imbagħad jiżdied id-dqiq mgħarbul u ftit ftit jiddaħħal fit-taħlita b’mod uniformi.

Is-sengħa li titħaddem f’dan l-istadju hi kruċjali biex tinkiseb il-kwalità tal-prodott aħħari, għax fuqha jistrieħu l-karatteristiċi distintivi tal-prodott “Pão de Ló de Ovar”.

Wara, il-forom tal-fuħħar aħmar jew iswed jinksew bil-karti; dan hu stadju distintiv speċifiku għal dan il-prodott. Dawn il-forom jinksew bil-karta tat-tisjir (bejn 100 u 120 g/m2), li trid tintewa tmien darbiet biex tifforma erba’ piegi indaqs. Dan il-pass irid isir bir-reqqa biex il-karta tidħol kexxun fil-forom. Il-piegi jridu jiġu separati bl-istess distanza; u aktar tard, il-karta tinqata’ pizzi pizzi.

It-tieni, it-taħlita tinxteħet fil-forom miksija bil-karta. Dan il-pass joħroġ fid-dieher is-sengħa u l-ħila tal-furnara għax it-taħlita trid tinxteħet fil-forom bl-ammont it-tajjeb biex il-kejk ikun jista’ jissajjar kif suppost mingħajr ma jogħla aktar mill-karta.

It-tielet, il-kejkijiet iridu jissajru f’forn tal-elettriku b’temperatura bejn il-140 u l-200 °C għal ħamsin minuta sa sagħtejn skont il-piż likwidu tal-prodott li jrid jiġi magħmul. Dan l-istadju hu importanti biex tinkiseb il-kwalità tal-prodott — dan jirnexxi bil-ħila tal-furnar li jiżgura li l-kejkijiet jinħmew eżatt għal kemm hemm bżonn biex il-prodott ikollu t-tessut mixtieq. U għal dan il-għan il-furnar ma jitlaqx għajnejh minn fuqu.

Il-prodott isir meta jkollu qoxra kannella dehbiena u daqsxen umda, u l-parti ta’ taħt tkun kremuża. Skont il-ħin tal-ħami, il-Pão de Ló jkollu aktar jew inqas pito, u dan jagħmel il-prodott moħmi tassew uniku.

L-ispeċifiċità tal-prodott “Pão de Ló de Ovar” ġejja mis-sengħa li tintuża meta titħejja t-taħlita, meta din tinxteħet fil-forom u meta tinħema għall-ħin li hu meħtieġ.

L-istorja tal-prodott “Pão de Ló de Ovar” tmur lura sa tmiem is-seklu tmintax, u toħroġ direttament mis-sengħa li jrid ikollu l-furnar biex iħejji u jaħmi t-taħlita.

It-tradizzjoni bil-fomm tixhed li fis-seklu dsatax kien hemm bosta familji f’Ovar li jagħmlu l-ħelu reġjonali, l-aktar il-prodott “Pão de Ló de Ovar”. Fl-1877, f’Aveiro e seu Distrito, Marques Gomes jikteb dwar Vila de Ovar li “l-ħelu rivali ta’ Aveiro msejjaħ pão de ló u ovos molles qed kulma jmur jikseb aktar apprezzament.” Il-prodott “Pão de Ló de Ovar” kiseb il-fama ta’ ħelu tradizzjonali Portugiż u dan jidher fil-kwalità għolja tiegħu u fil-fatt li matul is-snin is-suq qabad jikber.

Dan baqa’ jsir aktar famuż bl-avvenimenti ta’ Orfeão de Ovar fl-1949, fl-1950 u fl-1972.

Il-prodott “Pão de Ló de Ovar” jibqa’ mfakkar sa mit-tmeninijiet għax kien ikun għall-wiri f’ħafna mill-fieri tal-ikel fil-Portugall, bi prominenza fl-avvenimenti ewlenin. Dan sar popolari fil-belt kapitali, l-aktar fis-snin tmenin tas-seklu dsatax, għax waqt iż-żminijiet festivi, bħala rigal, il-kru tal-fragatas de Ovar [dgħajjes tal-qlugħ lokali] kien iqassam il-prodott “Pão de Ló de Ovar” fi qfief kbar lis-sidien tad-dgħajjes u lill-klijenti tagħhom.

Il-prodott Pão de Ló Celeste de Ovar, li ilu jinħema u jitqassam fuq skala kbira sa mill-1917, għen ukoll biex il-prodott “Pão de Ló de Ovar” iżid il-fama tiegħu.

Il-prodott “Pão de Ló de Ovar” hu uniku u l-kwalitajiet speċifiċi tiegħu ġejjin mis-sengħa tal-furnara. Dan joħloq rabta siekta bejn l-għamla u t-togħma tal-prodott u l-inħawi fejn jinħema.

Ir-reputazzjoni u l-fama tal-prodott “Pão de Ló de Ovar”, li ilhom marbuta esklussivament mal-muniċipalità ta’ Ovar sa minn tmiem is-seklu tmintax, ġew dokumentati sew.

Hu nnotat ukoll li s-sengħa marbuta mal-produzzjoni tal-prodott “Pão de Ló de Ovar” dejjem baqgħet fil-konfini tal-muniċipalità ta’ Ovar.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://www.dgadr.mamaot.pt/images/docs/val/dop_igp_etg/Valor/CE_Pao_lo_Ovar.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


22.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/21


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2016/C 141/09)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“ORIEL SEA SALT”

Nru UE: IE-PDO-0005-01318 – 26.2.2015

DPO ( X ) IĠP ( )

1.   Isem/ismijiet

“Oriel Sea Salt”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Irlanda

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 2.6. Melħ

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

“Oriel Sea Salt” huwa l-isem mogħti lill-melħ tal-baħar prodott mill-bajja ta’ Port Oriel, Clogherhead, Drogheda, County Louth, l-Irlanda. Huwa melħ tal-baħar fin, abjad kristallin u bla addittivi. Il-granuli tiegħu jitkejlu f’“um” li hija l-kejl ta’ “mikrometru”. Id-daqs ta’ 90 % tal-granuli huwa bejn 90 u 500 um filwaqt li l-10 % li jifdal ikun bejn 500 um u 1 000 um. Jinħass kważi bħal trab. Dan id-daqs (bil-maqlub tal-laqx jew tal-kristalli kbar) jippermetti l-melħ tal-baħar li jippenetra l-ikel aktar malajr billi jinħall u jinfirex fl-ikel mingħajr reżistenza.

Il-melħ tal-baħar għandu togħma mielħa kkonċentrata. It-togħma la hija pikkanti u lanqas morra, minħabba l-fatt li l-melħ jiġi prodott f’sistema magħluqa taħt pressjoni li tiżgura li l-melħ tal-baħar qatt ma jiġi f’kuntatt mal-arja, mal-ħamrija jew mal-bnedmin sakemm joħroġ mis-sistema lest biex jiġi ppakkjat. Dan jiżgura li l-“Oriel Sea Salt” ikun melħ tal-baħar verġni perfett bħala ingredjent minħabba d-daqs uniku tal-granuli tiegħu, il-konsistenza tiegħu u t-togħma armonjuża tiegħu. Il-profil qawwi tat-togħma tiegħu ġie kkonfermat f’testijiet indipendenti fl-għama tat-togħma u tal-konsistenza u huwa tali li jippermetti li l-ammont ta’ melħ tal-baħar użat bħala ingredjent fil-prodotti tal-ikel jitnaqqas anki sa 30 %.

L-“Oriel Sea Salt” għandu kulur abjad kristallin naturali u għalhekk ma jkunx hemm bżonn li jiġi maħsul jew imlaħlaħ. Minħabba f’hekk, ikun hemm preżenza aktar konsistenti ta’ minerali naturali tal-baħar bħall-manjeżju, il-potassju u sa 65 mikrominerali. (Il-ħasil tal-melħ tal-baħar huwa komuni meta jinġabar fil-beraħ jew mis-salini).

Iċ-Ċertifikat ta’ Analiżi għall-“Oriel Sea Salt” huwa bejn ± 10 % tat-tabella ta’ hawn taħt.

Analiżi tal-Oriel Sea Salt

Ittestjar: ICP MS

Oriel Sea Salt

 

mg/kg

NaCl

Klorur tas-sodju

Aktar minn 88 % tal-piż

H2O

Ilma

Anqas minn 5 %

Ca

Kalċju

Anqas minn 5 mg/kg

Mg

Manjeżju

500 mg – 800 mg/kg

K

Potassju

Anqas minn 3 000 mg/kg

Cu

Ram

Anqas minn 2,0 mg/kg

Zn

Żingu

Anqas minn 2,0 mg/kg

Cr

Kromju

Anqas minn 1,3 mg/kg

Ni

Nikil

Anqas minn 0,5 mg/kg

Pb

Ċomb

Anqas minn 0,4 mg/kg

Mn

Manganiż

Anqas minn 0,1 mg/kg

Cd

Kadmju

Anqas minn 0,04 mg/kg

Fe

Ħadid

Traċċa

P

Fosfru

Traċċa

B

Boron

Traċċa

Co

Kobalt

Traċċa

Hg

Merkurju

Traċċa

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Melħ tal-baħar estratt b’mod naturali mill-Baħar Irlandiż.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Passi tal-produzzjoni u tal-proċess:

Il-proċessi kollha tal-produzzjoni, tal-evaporazzjoni, tas-separazzjoni u tal-kristallizzazzjoni jsiru fiż-żona denominata, f’kundizzjonijiet ikkontrollati u ssorveljati biex jiżguraw il-konsistenza tal-prodotti finali. Dan jinkludi:

L-ippompjar u l-filtrazzjoni tal-ilma baħar minn sistema ta’ filtrazzjoni.

Il-konċentrazzjoni tal-imluħa f’sistema magħluqa taħt pressjoni.

Il-kristallizzazzjoni tal-melħ tal-baħar f’sistema magħluqa taħt pressjoni.

Il-produzzjoni ta’ kristalli fini tal-melħ tal-baħar.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li l-isem japplika għalih

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih qed tirreferi d-denominazzjoni

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Port Oriel, Clogherhead, jinsab fuq in-naħa tal-Majjistral ta’ Clogher Head, li tisporġi ‘l barra f’baħar fond ħafna. Iż-żona speċifika demarkata tibda mill-iktar ponta fin-Nofsinhar ta’ Clogher Head b’Latitudni = 53.79497 (Tramuntana), Lonġitundi= -6.21778 (Punent), Latitudni = 53°47′42″ (Tramuntana), Lonġitundi = 6°13′04″ (Punent) sal-iktar ponta fit-Tramuntana ta’ Dunany Point Latitudni = 53.86144 (Tramuntana), Lonġitundi = -6.23838 (Punent), Latitudni = 53°51′41″ (Tramuntana), Lonġitundi = 6°14′18″ (Punent). Distanza ta’ 5 mili nawtiċi li jinsabu fiż-Żoni ta’ Produzzjoni Kklassifikati għall-Molluski Bivalvi Ħajjin ta’ Dundalk Bay, bil-Kodiċi taż-Żona LH-DB-DB, kif maħruġ mill-Awtorità għall-Protezzjoni tas-Sajd fil-Baħar.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-melħ tal-baħar huwa karatteristiku tal-oriġini tiegħu fit-togħma u fid-dehra tiegħu. Bħalma l-għeneb jiġu affettwati mit-territorju u mit-temp, l-Oriel Sea Salt jiġi affettwat mill-kurrenti tal-ilma fond, mill-indafa, mill-kontenut tal-minerali u mill-purità tal-ilma f’dan il-post u mill-proċessi użati biex jagħmlu, jippreservaw u jirfinaw dawn il-karatteristiċi.

Il-ġbir tal-melħ tal-baħar f’dan ir-reġjun imur lura sekli sħaħ. Dan li ġej kuwa kwotazzjoni mill-County Louth Archaelogical & Historical Journal. “On 28th January 1667 Viscount Dungannon leased a parcel of land lying neere ye towne of Carlingforde for erection of saltworks to Colonel Cooke of Chiswick in Middlesex as a salt manufacturer” (Fit-28 ta’ Jannar 1667, il-Viskonti Dungannon kera porzjon ta’ art viċin il-belt ta’ Carlingforde għall-bini ta’ impjant tas-salini għall-Kurunell Cooke ta’ Chiswick f’Middlesex bħala manifattur tal-melħ). Għal mijiet ta’ snin, Port Oriel kien sinonimu ma’ ilmijiet tas-sajd abbundanti u l-abitanti jistadu għall-ħut tal-fond direttament mill-blat u mill-port. Il-melħ kien ingredjent essenzjali fil-preservazzjoni tal-ħut li jinħatt l-art fil-port għall-konsum, għall-ħżin u għat-trasport sussegwenti lejn is-suq. {pt mp 16 pm qrib Newry Street fuq il-mappa tal-1797 ukoll kellha impjant tas-salini fuqha, u ġew irrekordjati wkoll fatti lokali dokumentati li jagħtu dettalji tas-sieqja tal-melħ}.

Il-Kurrent tal-Golf jitla’ mal-kosta tal-Punent tal-Irlanda u meta jiltaqa’ mal-ilmijiet iktar kesħin tal-baħar Norveġiż idur mal-art li tisporġi “l barra fit-Tramuntana u fil-Grigal sad-destinazzjoni finali tiegħu, ħames mili nawtiċi lil hinn mill-bajja f’Port Oriel. F’dan l-istadju, il-kurrent jispiċċa hekk kif jiltaqa” mal-ilmijiet kbar li joħorġu mix-xmara Boyne (it-tieni l-ikbar xmara fl-Irlanda).

Port Oriel, jinsab fuq in-naħa tal-Majjistral ta’ Clogher Head, li tisporġi “l barra direttament f’baħar fond ħafna. Fit-testijiet, is-salinità f’dawn l-ilmijiet hija komparabbli ma” dik li normalment tinstab biss fl-ilma baħar fond. Din is-salinità għolja ġiet marbuta mal-kurrenti tal-baħar fond mhux tas-soltu tal-Kurrent tal-Golf fiż-żona. L-ilma f’Port Oriel dejjem ġie ttestjat b’densità ta’ bejn 3,5 % u 3,6 % li hija konsistenti ma’ ibħra aktar fondi.

L-ilmijiet ta’ Port Oriel ġew ikklassifikati b’mod konsistenti għal ħafna snin li għandhom kwalità internazzjonali tal-frott tal-baħar ta’ Grad “A”, l-aktar puri tal-baħar, minn The Marine Institute of Ireland. Il-ġbir ta’ molluski bivalvi, gandoffli, granċijiet, awwisti u razor fish huwa negozju dinamiku fil-Bajja ta’ Port Oriel u l-madwar u din l-abbudanza tal-frott tal-baħar tikkontribwixxi wkoll għall-kwalità għolja u għall-kontenut tal-minerali fl-ilma. Tabilħaqq, dan ir-reġjun jinsab ukoll fiż-Żoni ta’ Produzzjoni Kklassifikati għall-molluski bivalvi ħajjin ta’ Dundalk Bay 2014, bil-Kodiċi taż-Żona LH-DB-DB, kif maħruġ mill-Awtorità għall-Protezzjoni tas-Sajd fil-Baħar għall-Bivalvi (Clams u Razor Fish).

Il-kwalitajiet tal-“Oriel Sea Salt” huma marbuta direttament mal-kurrenti tal-baħar fond mhux tas-soltu fil-post ġeografiku, mal-kontenut għoli ta’ minerali li normalment ma jkunux jinstabu f’ilmijiet daqshekk baxxi u minħabba l-Kurrenti tal-Golf u l-movimenti tal-marea li jiċċaqalqu madwar il-kosta tat-Tramuntana tal-Irlanda għal ġol-bajja ikbar ta’ Dundalk u konsegwentement ġol-bajja ta’ Port Oriel. Dan l-ilma bi kwalità għolja u b’kontenut għoli ta’ minerali mbagħad jiġi miġbur u raffinat permezz tal-proċess użat fejn ma jintmessx mill-arja, mill-ħamrija jew mill-bniedem sakemm joħroġ, abjad kristallin, mhux maħsul u rikk fil-minerali. Dan jipproduċi melħ tal-baħar bi granuli fini.

Sommarju:

Il-melħ tal-baħar huwa karatteristiku tal-oriġini tiegħu b’relazzjoni diretta mas-salinità, mal-kwalità u mad-densità tal-minerali fl-ilma. Dan hu rifless fil-granuli fini, fit-togħma intensa u fil-kontenut ogħli ta’ minerali tal-“Oriel Sea Salt”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://www.agriculture.gov.ie/gi/pdopgitsg-protectedfoodnames/products/


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.