ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 71

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
24 ta' Frar 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

il-512 Sessjoni Plenarja tal-KESE fl-9 u l-10 ta' Diċembru 2015

2016/C 071/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Refuġjati

1

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

il-512 Sessjoni Plenarja tal-KESE fl-9 u l-10 ta' Diċembru 2015

2016/C 071/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-Semplifikazzjoni tal-PAK (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

3

2016/C 071/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Universitajiet impenjati fit-tiswir tal-Ewropa (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

11

2016/C 071/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewrope dwar ir-rwol tal-inġiniera fir-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

20

2016/C 071/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar in-nanoteknoloġija għal industrija tal-kimika kompetittiva (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

27


 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

il-512 Sessjoni Plenarja tal-KESE fl-9 u l-10 ta' Diċembru 2015

2016/C 071/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2014 [COM(2015) 247 final]

33

2016/C 071/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: Ħames Oqsma Ewlenin għal Azzjoni [COM(2015) 302 final]

42

2016/C 071/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni [COM(2015) 240 final]

46

2016/C 071/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’ każ ta’ kriżi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida [COM(2015) 450 final — 2015/0208(COD)]

53

2016/C 071/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju [COM(2015) 337 final – 2015/0148 (COD)]

57

2016/C 071/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa [COM(2015) 192 final]

65

2016/C 071/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015-2020) [COM(2015) 285 final]

75

2016/C 071/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi lista komuni tal-UE ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, u li jemenda d-Direttiva 2013/32/UE [COM(2015) 452 final]

82


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

il-512 Sessjoni Plenarja tal-KESE fl-9 u l-10 ta' Diċembru 2015

24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Refuġjati

(2016/C 071/01)

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tad-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (laqgħa tal-10 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din ir-riżoluzzjoni b’174 vot favur, 8 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.

Il-KESE japprezza bis-sħiħ il-ħidma importanti li qed twettaq is-soċjetà ċivili biex tindirizza s-sitwazzjoni tar-refuġjati li qed jaħarbu mill-pajjiżi mifnija bil-gwerer, u li, għalhekk, jistħoqqilhom il-protezzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Mingħajr dan, is-sitwazzjoni umanitarja traġika li feġġet f’ħafna pajjiżi Ewropej setgħu kienu katastrofiċi. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa impenjat direttament li jagħti vuċi lil din ir-realtà, li jiżgura li titqies b’mod xieraq mill-istituzzjonijiet Ewropej, il-gvernijiet u atturi politiċi oħra.

2.

Il-KESE bħalissa qed jorganizza żjarat biex jiltaqa’ ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joffru assistenza lir-refuġjati fi 11-il Stat Membru (l-Ungerija, il-Polonja, Malta, il-Greċja, il-Ġermanja, l-Awstrija, is-Slovenja, il-Bulgarija, l-Iżvezja, l-Italja, il-Kroazja) u t-Turkija, peress li dawn il-pajjiżi huma affettwati l-aktar mill-flussi ta’ refuġjati. Bħala l-korp li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili organizzata fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej aħna ser naġixxu bħala l-vuċi tagħhom fuq livell Ewropew.

3.

Il-KESE jemmen li s-sitwazzjoni attwali teħtieġ li l-UE tiżviluppa kurituri umanitarji siguri għar-refuġjati minn pajjiżi milquta mill-gwerer u mhedda mit-terroriżmu u dan għandu jsir flimkien mal-pajjiżi fejn dawn ir-refuġjati huma kkonċentrati l-aktar. Lil hinn minn dan, irridu nistabbilixxu sistema Ewropea ta’ asil verament komuni bbażata fuq proċeduri armonizzati madwar l-UE. Dan jinkludi status uniformi ta’ ażil u rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ ażil, responsabbiltà u solidarjetà kondiviżi u sforzi fir-rigward tar-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, u Regolament ta’ Dublin rivedut. Barra minn hekk, jinħtieġu sistemi solidali u robusti ta’ kondiviżjoni tal-piż, fejn soluzzjoni permanenti, ġusta u vinkolanti għad-distribuzzjoni ta’ dawk li jkunu qed ifittxu protezzjoni fil-pajjiżi kollha tal-UE tkun l-ewwel pass. Minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u b’konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, l-ispejjeż addizzjonali għall-akkoljenza tar-refuġjati m’għandhomx, wara analiżi bir-reqqa, ikunu rikonoxxuti fid-defiċits pubbliċi tal-Istati Membri.

4.

Il-KESE huwa kkonċernat ħafna wkoll dwar l-imminar attwali tal-Ftehim ta’ Schengen u tal-prinċipju tal-moviment liberu, minħabba li huwa wieħed mill-kisbiet fundamentali ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tal-UE. Huwa importanti li l-fruntieri esterni tal-pajjiżi Schengen ikollhom sigurtà adegwata. Madankollu, it-tqegħid mill-ġdid tal-barrikati interni u l-bini ta’ ħitan m’huma se jagħmlu xejn biex jgħaqqdu liċ-ċittadini tal-UE jew biex irawmu ċ-ċittadinanza tal-UE.

5.

Huwa kruċjali wkoll li jiġu żviluppati miżuri immedjati biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-flussi attwali ta’ refuġjati. L-UE trid taħdem mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu fuq dawn il-kwistjonijiet u l-KESE jinsisti fuq l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem li għandu jittieħed mill-Kummissjoni għal din il-kooperazzjoni, u mhux biss approċċ imsejjes fuq is-sigurtà. Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkluża s-soċjetà ċivili fid-djalogu mal-pajjiżi terzi.

6.

Il-KESE, bl-esperjenza fit-tul tiegħu b’rabta mal-kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, f’dawn l-aħħar snin l-iktar permezz tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni/Migrazzjoni, jemmen li l-integrazzjoni u l-inklużjoni tar-refuġjati fis-soċjetajiet tagħna għandhom ikunu proċess f’żewġ direzzjonijiet fejn l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, flimkien mal-gvernijiet u l-awtoritajiet lokali, jaqdu rwol essenzjali. Għandha tingħata prijorità lill-aċċess għas-suq tax-xogħol u, b’mod aktar speċifiku, lir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-forniment ta’ taħriġ vokazzjonali u fil-lingwi fejn meħtieġ. L-Unjoni Ewropea għandha tniedi sensiela ta’ miżuri fil-pajjiżi ta’ akkoljenza u fl-UE sabiex tiċċentralizza l-applikazzjonijiet għall-impjieg, it-taħriġ, u r-rikonoxximent tal-ħiliet.

7.

Sabiex jinħoloq il-kunsens soċjali meħtieġ fl-Ewropa, huwa essenzjali li jiġu rispettati bis-sħiħ it-trattament ugwali u d-drittijiet soċjali kemm taċ-ċittadini tal-UE kif ukoll tar-refuġjati fl-Ewropa, b’attenzjoni partikolari għal dawk l-aktar vulnerabbli fosthom. L-investiment bikri fl-integrazzjoni tar-refuġjati fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol huwa importanti biex jgħin lir-refuġjati jibnu ħajjithom mill-ġdid, filwaqt li jiġu minimizzati konflitti potenzjali mal-popolazzjoni lokali u jiġu evitati spejjeż ogħla fil-ġejjieni. Finanzjament adegwat ta’ servizzi pubbliċi lokali u djalogu ċivili bejn ir-refuġjati u l-popolazzjoni lokali huma kruċjali sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

il-512 Sessjoni Plenarja tal-KESE fl-9 u l-10 ta' Diċembru 2015

24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/3


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “is-Semplifikazzjoni tal-PAK”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 071/02)

Relatur:

is-Sur Seamus BOLAND

Nhar it-2 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

is-Semplifikazzjoni tal-PAK

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tad-9 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’196 vot favur, 9 voti kontra u 26 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrikonoxxi l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea għamlet prijorità li tiġi ssemplifikata l-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni (PAK) u li diġà pproponiet, u ser tkompli tipproponi, is-semplifikazzjoni ta’ ċerti atti tal-Kummissjoni, biex hekk il-leġislazzjoni tal-UE ssir aktar faċli biex tinftiehem u biex tiġi implimentata fil-prattika.

1.2.

Il-KESE jemmen li aktar trasparenza u ċertezza legali, u t-tnaqqis ta’ piż amministrattiv żejjed u ta’ spejjeż assoċjati għall-bdiewa, benefiċjarji oħra, organizzazzjonijiet ta’ produtturi u amministrazzjonijiet nazzjonali, huma parti neċessarja tal-proċess ta’ semplifikazzjoni.

1.3.

Is-semplifikazzjoni tas-sistema għandha tiġi implimentata mill-iktar fis possibbli, b’mod partikolari b’għajnuna għall-bdiewa Huwa essenzjali li din tkun akkumpanjata minn appoġġ ibbażat fuq l-informazzjoni u l-edukazzjoni.

1.4.

Il-KESE jirrikonoxxi l-isforzi li għamlet il-Kummissjoni biex tissemplifika l-implimentazzjoni tal-PAK il-ġdida, filwaqt li tqis in-notifiki u d-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri. Bl-approċċ attwali huwa diffiċli għall-PAK li jiġi suġġett għal semplifikazzjoni konsiderevoli għall-bidwi mingħajr ma tiġi kompromessa r-rigorożità bżonnjuża biex il-rekwiżiti jiġu ssodisfati. Min-naħa l-oħra, dawn ir-rekwiżiti mux dejjem huma koerenti u ġustifikati mill-perspettiva li jiġu konvertiti għall-beni pubbliċi ġenwini u benefiċċji ambjentali.

1.5.

Spezzjonijiet u possibilment multi għandhom ikunu proporzjonati mal-ammont tal-flus riċevut mill-benefiċjarju, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità u r-rieda li jittieħdu azzjonijiet korrettivi. Każijiet ċari ta’ frodi deliberat għandhom jiġu ttrattati permezz tal-proċeduri normali. Il-KESE jirrakkomanda t-tnaqqis tal-isproporzjonalità fost il-każijiet ta’ tnaqqis kbir tal-appoġġ anke għal ksur minuri.

1.6.

L-applikazzjoni tal-miżuri tal-ekoloġizzazzjoni għandhom jieħdu kont tal-fatturi mhux mistennija bħall-kundizzjonijiet tat-temp, nixfa jew avvenimenti oħra simili li jagħmlu l-miżuri impossibbli biex jiġu implimentati.

1.7.

Fejn kwistjonijiet bħal bwar permanenti kienu s-suġġett ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, huwa importanti li r-regoli stabbiliti biex jirrispettaw is-sentenza jkunu mfassla b’mod li jnaqqas kemm jista’ jkun ir-regolamenti aktar milli jżidhom.

1.8.

Il-proċess leġislattiv attwali (regolamenti tal-Kunsill akkumpanjati mill-atti delegati u ta’ implimentazzjoni) huwa ferm kumpless u diffiċli għaċ-ċittadini biex jifhmuh. Għalhekk għandu jsir studju dwar kif din is-sistema tista’ tiġi ssemplifikata.

1.9.

Wara l-implimentazzjoni ta’ skema b’rata fissa fil-kuntest ta’ pagamenti diretti, is-sistema kumplessa tal- intitolamenti għal pagament għandha tiġi riveduta.

1.10.

Il-bur temporanju għandu jżomm l-istatus ta’ raba’, irrispettivament minn kemm ikun ilu jintuża bħala bur.

1.11.

Id-definizzjoni attwali ta’ “bidwi attiv” m’għandiex tiżvantaġġja lill-bdiewa u għandha tkun ibbażata fuq il-fatt li l-art eliġibbli għall-għajnuna tkun qed tintuża għall-agrikoltura mill-bidwi.

1.12.

Il-KESE jaqbel li s-semplifikazzjoni tal-PAK hija proġett ambizzjuż, partikolarment minħabba li l-politiki ta’ żvilupp agrikoli u rurali, huma ta’ natura kumplessa. Is-semplifikazzjoni għandha tkun kompatibbli ma’ għanijiet politiċi wesgħin bħal:

l-ambjent,

is-sikurezza alimentari,

id-disponibbiltà tal-ikel,

il-koeżjoni,

il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u

il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku.

1.13.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-metodoloġija li tiggwida l-azzjoni fuq ir-rati ta’ żball hija mfassla b’tali mod li tiggarantixxi l-implimentazzjoni ġusta.

1.14.

Miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess ta’ bdiewa żgħażagħ għall-iskema favur il-bdiewa żgħażagħ għandhom jiġu esplorati u introdotti immedjatament. L-aċċess taż-żgħażagħ fl-agrikoltura għandu jiġi appoġġjat.

1.15.

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita regola li tillimita ż-żieda fil-burokrazija. Pereżempju, l-adozzjoni ta’ regola li tippermetti l-eliminazzjoni ta’ regolament eżistenti meta tiġi proposta waħda ġdida.

2.   Kummenti ġenerali dwar il-politika agrikola komuni

2.1.

Il-baġit tal-PAK, li jammonta għal EUR 408 biljun għall-perjodu 2014–2020, jirrappreżenta 38 % tal-baġit globali tal-UE. L-ewwel pilastru, li jammonta għal EUR 313 biljun, jirrappreżenta 77 % tat-total tan-nefqa tal-PAK. Il-pagamenti diretti, li jammontaw għal EUR 294 biljun, jirrappreżentaw 94 % tal-ewwel pilastru.

2.2.

Din l-opinjoni tikkunsidra opinjonijiet oħra tal-KESE (1).

2.3.

L-aħħar riforma prinċipali tal-PAK, li ntemmet fl-2013, ġiet maqbula bħala parti mill-proċess ta’ kodeċiżjoni. Dan ifisser li l-Parlament Ewropew ipparteċipa bħala koleġislatur indaqs mal-Ministri tal-agrikoltura, li żdiedu minn 15 għal 28 wara l-aħħar riforma prinċipali fl- 2003.

2.4.

Huwa nnotat li matul il-perjodu ta’ qabel ir-riforma tal-PAK kien hemm proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-pagament dirett, fejn l-evalwazzjoni wriet żieda ta’ 15-20 % fil-piż burokratiku. Fl-istess ħin, sar tnaqqis fil-baġit.

2.5.

Sensiela ta’ emendi kienu diġà introdotti fis-snin preċedenti, però mhux dejjem żammew id-distinzjoni ċara bejn is-semplifikazzjoni u żżarmar tal-PAK. Eżempji jinkludu:

L-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS) unika ssostitwiet il-21 OKS eżistenti minn qabel. Il-ħolqien tagħha ppermetta r-revokar ta’ 86 att tal-Kunsill u ssostitwixxa aktar minn 1 080 artikolu legali b’madwar 350.

Il-“Kontroll tas-Saħħa” tal-2009 kompla jiddiżakkoppja u jabolixxi bosta skemi, bħall-pagamenti għal għelejjel enerġetiċi u qamħ durum, kif ukoll l-iskema ta’ rimi ta’ krema, butir u butir ikkonċentrat.

Għall-importazzjonijiet, ir-rekwiżiti tal-liċenzji tnaqqsu minn 500 għal 65, u baqa’ biss 43 rekwiżit ta’ liċenzji għall-esportazzjoni.

Il-Kummissjoni ħassret l-istandards speċifiċi għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ 26 tip ta’ frotta u ħaxix, b’hekk l-operaturi m’ għadhomx jiffaċċjaw spejjeż ta’ konformità, l-awtoritajiet nazzjonali m’għadx għandhom għalfejn iwettqu kontrolli, u ser jinħlew inqas prodotti.

Il-bdiewa m’ għadhomx aktar mitluba jżommu art għad-dispożizzjoni tagħhom għal perjodu ta’ għaxar xhur biex jirċievu pagamenti diretti, u b’hekk kisbu flessibilità akbar fil-ġestjoni tal-irziezet tagħhom u biex jirrispondu għall-iżviluppi tas-suq.

2.6.

Skont id-DĠ AGRI, it-tqassim tal-fondi skont kull prijorità ta’ Żvilupp Rurali huwa kif ġej:

Assistenza teknika u trasferiment tal-għarfien 3 %

Titjib tal-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli 20 %

Ekosistemi 43 %

Promozzjoni tal-organizzazzjoni tal-katina alimentari 10 %

Promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi; 9 %

Promozzjoni tal-inklużjoni soċjali 15 %

3.   Kuntest

3.1.

Din l-Opinjoni esploratorja tibni fuq iż-żjara tal-Kummissarju Phil Hogan matul is-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Lulju 2015, fejn hu saħaq li prijorità prinċipali tiegħu kienet li tinkiseb semplifikazzjoni akbar tal-PAK, u wara l-ittra mis-Sur Frans Timmermans, l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, li stiednet lill-KESE biex iressaq opinjoni esploratorja dwar is-suġġett tas-semplifikazzjoni tal-PAK.

3.2.

Hija l-fehma tal-Kummissarju li s-semplifikazzjoni ser tiżgura li l-kumplessità tal-PAK u ż-żieda fil-piż amministrattiv li poġġiet fuq il-bdiewa, benefiċjarji oħrajn, u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni ser tkun iffaċilitata, mentri fl-istess ħin ma tinsiex l-għanijiet ewlenin tagħha.

3.3.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tiffinalizza l-evalwazzjoni tal-kontribuzzjonijiet kollha fuq il-bażi ta’ tliet prinċipji gwida, jiġifieri li l-azzjonijiet għandhom:

jirrispettaw il-politiki tar-riforma tal-2013;

jikkonċentraw fuq x’ser ikun ta’ benefiċċju għall-bdiewa u benefiċjarji oħra;

ma jippreġudikawx il-ġestjoni finanzjarja tajba tan-nefqa tal-PAK.

3.4.

B’mod ċar, kwalunkwe proċess ta’ semplifikazzjoni m’għandux jhedded l-impjiegi fl-industrija kollha.

3.5.

Permezz tal-pilastru tal-iżvilupp rurali, il-PAK taqdi funzjoni importanti fir-rigward tal-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku. Hija ta’ benefiċċju għall-popolazzjoni kollha taż-żoni rurali. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-enfasi li ssir fl-Artikolu 5(6)(a)-(c) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (2) dwar: il-ħolqien tal-impjiegi, il-promozzjoni tal-iżvilupp lokali u l-promozzjoni tal-aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-użu u t-titjib tal-kwalità tagħhom. Għaldaqstant, is-semplifikazzjoni tal-PAK għandha tiżgura li jkun hemm fondi adatti disponibbli faċilment u mingħajr ostakli burokratiċi.

3.6.

Il-Kummissjoni wettqet proċess ta’ identifikazzjoni komprensiva tal-leġislazzjoni eżistenti biex jiġu identifikati oqsma fejn aġġustamenti u titjib huma fattibbli. Hija diġà rċeviet kontribuzzjonijiet minn Stati Membri, MEPs u minn organizzazzjonijiet agrikoli madwar l-UE. Għandu jiġi nnutat li s’issa dawn il-proposti jaqbżu l-1 500 paġna. Mill-eżaminar tad-dokumentazzjoni, jista’ jiġi konkluż li l-proposti jaqgħu f’żewġ kategoriji wesgħin:

tnaqqis tal-burokrazija għall-bdiewa;

miżuri ta’ protezzjoni mfassla biex jintlaħqu “l-objettivi tal-ekoloġizzazzjoni”.

3.7.

Il-KESE jinnota l-lista ta’ prijorità tal-miżuri ta’ semplifikazzjoni mfassla mill-Kunsill Agrikolu u l-Presidenza. Din il-lista tista’ tifforma l-bażi tal-proposti mressqa mill-Kummissjoni.

3.8.

Il-Kummissjoni tagħmilha ċara li kull Stat Membru għandu libertà konsiderevoli fl-għażla tal-metodoloġija tiegħu biex jamministra u jimmoniterja l-PAK u li s-semplifikazzjoni tista’ tinkiseb permezz ta’ interpretazzjoni raġonevoli. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ifittxu li jtejbu l-proċess ta’ semplifikazzjoni permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki.

4.   Approċċi ta’ semplifikazzjoni

4.1.

Huwa ġeneralment aċċettat li s-semplifikazzjoni hija meħtieġa sabiex l-implimentazzjoni tal-PAK m’ għandhiex tkun aktar kumplessa milli hu meħtieġ.

4.2.

Il-Kummissjoni beħsiebha tintroduċi proposti li għandhom x’jaqsmu ma’ Żoni b’Fokus Ekoloġiku (EFAs) fuq farm partikolari biswit l-EFAs, kumpens lill-EFAs fil-każ ta’ dikjarazzjoni żbaljata, u s-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS).

4.3.

Il-Kummissjoni beħsiebha teżamina l-potenzjal għal semplifikazzjoni ta’ pagamenti diretti (b’mod partikolari dwar l-ekoloġizzazzjoni), l-iżvilupp rurali, l-iskema tal-frott u l-ħaxix u l-politika dwar il-kwalità.

4.4.

Il-Kummissjoni qed tippreżenta pakkett li jkopri pagamenti diretti lill-elementi bħalma huma l-bdiewa żgħażagħ, sostenn akkoppjat u s-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK). Dawn il-bidliet għandhom ikunu applikabbli, jekk hu possibbli, mis-sena ta’ talba 2016 jew sa mhux aktar tard mis-sena ta’ talba 2017.

4.5.

Ir-regoli biex l-art tiġi meqjusa bħala bur permanenti qed joħolqu problemi għall-klassifikazzjoni ta’ bwar temporanji bħala raba’ jew bur permanenti. Għandu jkun possibbli li jinżamm l-istatus ta’ bur temporanju (art klassifikata bħala raba’) anki jekk il-bdiewa jiddeċiedu li jużaw din l-art kontinwament bħala bur għal ħames snin jew aktar. Dan għandu jevita li l-bdiewa jaħartu arthom biss sabiex ma titħallhiex issir bur permanenti. B’hekk, iż-żoni agrikoli kkonċernati jistgħu jibqgħu jitqiesu bħala bur, li huwa vantaġġ ekoloġiku.

4.6.

Fir-rigward tal-miżuri tas-suq, il-Kummissjoni qed issegwi aġenda ambizzjuża ta’ semplifikazzjoni f’termini ta’ elaborazzjoni ta’ atti delegati ġodda u ta’ implimentazzjoni biex jiġu allinjati r-regoli l-ġodda fil-livell tal-Kummissjoni mar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli (Regolament OKS). L-għan mhuwiex biss li jitnaqqsu drastikament l-għadd u l-kumplessità ta’ dawn ir-regoli, iżda wkoll biex tiġi żgurata semplifikazzjoni reali għall-bdiewa kif ukoll għall-operaturi.

4.7.

Dan l-aħħar il-Kummissjoni għamlet żewġ bidliet f’waqthom tar-regoli attwali billi adottat:

regolament ta’ implimentazzjoni ta’ posponiment għas-sena ta’ talba 2015, id-data finali għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal għajnuna għal pagamenti diretti u appoġġ minn ċerti miżuri tal-iżvilupp rurali sal-15 ta’ Ġunju 2015, u b’hekk il-bdiewa u l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom aktar żmien biex jippreparaw dawn l-applikazzjonijiet; u

regolament ta’ delega li jemenda r-regoli dwar pagamenti diretti billi jipprovdi aktar flessibbiltà fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal appoġġ akkoppjat volontarju għall-annimali, u b’hekk tirrispondi għat-talba magħmula minn bosta Stati Membri, Membri tal-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati.

4.8.

Il-Kummissjoni beħsiebha tintroduċi sensiela ta’ proposti dwar bidliet li jistgħu jsiru skont il-linji gwida attwali. Eżempji jinkludu:

Il-koltivazzjonijiet puri ta’ leguminużi (eż. alfalfa) ma għandhomx jitqiesu b’definizzjoni bħala bur permanenti wara ħames snin.

Il-perjodu ta’ dikjarazzjoni ta’ art mistrieħa bħala EFA u l-perjodu ta’ impenn agroambjentali mhumiex se jitqiesu għall-kalkolu tal-perjodu ta’ ħames snin għal bur permanenti.

Il-Kummissjoni ser tressaq għadd ta’ proposti dwar il-pagamenti diretti.

It-tieni pakkett li għandu jiġi propost mill-Kummissjoni hu maħsub biex ikopri elementi oħrajn apparti l-ekoloġizzazzjoni eż. l-iskema favur il-bdiewa żgħażagħ, sostenn akkoppjat volontarju u ċerti aspetti tas-SIAK. Dawn il-bidliet għandhom ikunu applikabbli, jekk hu possibbli, mis-sena ta’ talba 2016 jew, sa mhux aktar tard mis-sena ta’ talba 2017.

Fl-2016, sena wara l-ewwel applikazzjoni, ser ikun hemm reviżjoni ulterjuri tar-regoli dwar l-ekoloġizzazzjoni kif imwiegħed mill-Kummissjoni f’April 2014. L-għan huwa li jitressaq pakkett ulterjuri ta’ miżuri fl-2016, bil-ħsieb li jiġu applikati fis-sena ta’ wara (sena ta’ talba 2017).

Il-Kummissjoni ser tħares lejn il-potenzjal li jiġu ssemplifikati programmazzjoni ta’ żvilupp rurali u l-approvazzjoni tal-PŻR, fondi doppji, verifiki, għażliet għal spejjeż semplifikati u rappurtar.

5.   Kwistjonijiet ta’ semplifikazzjoni

5.1.

L-ekoloġizzazzjoni ta’ pagamenti diretti issa hija element kruċjali tar-riformi tal-politika agrikola komuni. Filwaqt li l-bdiewa qegħdin jitgħallmu jadattaw għal dawn il-bidliet, huma beżgħana li xi miżuri speċifiċi ma jistgħux ikunu flessibbli biżżejjed biex jittrattaw kundizzjonijiet tat-temp mhux mistennija jew flutwazzjonijiet fil-prezz tas-suq.

5.2.

Huwa mifhum li ser isiru spezzjonijiet għal għarrieda. Però, l-ispezzjonijiet għal għarrieda jitqiesu mill-inqas bħala inkonvenjent serju, u fl-agħar każijiet jistgħu jikkawżaw tbatija mentali enormi lill-bdiewa. Huwa ċar li l-ġustizzja titlob li jingħata avviż raġonevoli lill-bidwi qabel ma ssir l-ispezzjoni.

5.3.

Peress li l-multi imposti minħabba n-nuqqas ta’ konformità ser ikunu għoljin b’mod mhux tas-soltu, il-bdiewa jibżgħu li mhux ser jiksbu appoġġ, b’mod partikolari fil-forma ta’ informazzjoni xierqa. F’dan il-każ l-Istati Membri għandhom jagħtu l-informazzjoni adegwata lill-bdiewa li huma l-aktar milquta minn dawn il-bidliet, b’enfasi partikolari fuq il-bdiewa li huma fi żvantaġġ ekonomiku u soċjali.

5.4.

Il-qafas regolatorju attwali dwar id-definizzjoni ta’ “bidwi attiv” mhuwiex sodisfaċenti u jeħtieġ aktar amministrazzjoni kumplessa. Minħabba dan, hemm riskju li l-bdiewa involuti fil-produzzjoni agrikola ser jiġu esklużi u, min-naħa l-oħra, dawk li mhumiex involuti fil-produzzjoni agrikola jistgħu jiġu inklużi.

5.5.

Il-bdiewa għadhom qegħdin jippruvaw jitgħallmu l-ekoloġizzazzjoni, li attwalment hi fl-ewwel sena tagħha, u t-tliet prattiki agrikoli li din tinvolvi. Id-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’, iż-żamma ta’ bur permanenti, u l-allokazzjoni ta’ 5 % tal-art lill-EFAs huma t-tliet aspetti tar-riforma li l-bdiewa għandhom jissodisfaw sabiex ikunu eliġibbli għall-għajnuna.

5.6.

Huwa inaċċettabbli li l-bdiewa spiss jinżammu responsabbli minħabba żbalji magħmula f’livell uffiċjali. B’mod partikolari l-bdiewa li d-dħul tagħhom huwa baxx u huma dipendenti minn dan is-sors ta’ introjtu jitpoġġew f’pożizzjoni fejn l-għajxien tagħhom ikun mhedded.

5.7.

“Proporzjonalità tas-sanzjonijiet” hija tema rikorrenti għal bosta assoċjazzjonijiet Ewropej tal-kummerċ.

5.8.

Il-bdiewa b’inqas minn 15-il ettaru jew li qed jirċievu pagamenti ta’ anqas minn EUR 10 000 jħossu li l-konformità għandha tkun ibbażata fuq spezzjoni “light-touch”, u aktar spezzjonijiet għandhom jitwettqu biss b’evidenza preliminari ta’ nuqqas serju ta’ konformità.

5.9.

Ser jeħtieġ li jiġu solvuti kwistjonijiet rigward bwar permanenti, imqajma permezz tad-deċiżjoni tal-2014 tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Il-każ enfasizza bosta każijiet problematiċi ta’ art ta’ lqugħ (raba’ jinħadem), bwar maħduma, raba’ mistrieħ, u raba’ taħt miżuri agroambjentali, fejn il-bdiewa raw riskju li din l-art tiġi ddikjarata formalment bħala bur permanenti minħabba d-definizzjoni tal-ħames snin.

5.10.

Fejn l-organizzazzjonijiet agrikoli jaraw il-ħtieġa għal semplifikazzjoni, flessibilità u proporzjonalità, gruppi ambjentali jaraw riskji reali. Mill-perspettiva tal-KESE, dan jirrappreżenta nuqqas biex jiġu rikonċiljati l-għanijiet ta’ titjib ambjentali ma’ dik tal-produzzjoni tal-ikel fl-irziezet tal-familji.

5.11.

Rigward id-dispożizzjonijiet orizzontali, approċċ aktar proporzjonali u bbażat fuq ir-riskju jista’ japplika għall-intensità tal-kontrolli, b’kunsiderazzjoni għar-riskju u l-ammonti involuti, il-kosteffettività u l-objettivi differenti u r-riżultati mfittxija.

5.12.

Għandhom jiġu evitati verifiki multipli. F’każijiet ta’ nonkonformità, b’mod partikolari f’każijiet ta’ ksur minuri, it-tnaqqis tal-pagamenti u l-penali amministrattivi għandhom ikunu proporzjonali. Barra minn hekk:

Il-kalkolu ta’ dawn il-penali għandu jkun issemplifikat.

Is-sistema tal-kontroll u l-penali tal-kundizzjonalità għandha tiġi riveduta wkoll b’rabta mal-proporzjonalità.

Għandha tiġi esplorata l-possibbiltà ta’ pagamenti, inklużi ħlasijiet bil-quddiem, wara t-tmiem tal-kontrolli amministrattivi.

Il-metodoloġija għall-kalkolu tar-rati ta’ żball għandha tiġi armonizzata.

Għandhom jiġu ffaċilitati livelli ogħla ta’ tolleranza b’rabta ma’ ksur minuri li jista’ faċilment jiġi kkoreġut.

5.13.

Għandu jkun hemm enfasi fuq passi li jeħtieġu attenzjoni urġenti, bħat-titjib ta’ noti gwida, il-forniment ta’ assistenza teknika, u l-faċċilitar tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prassi bejn l-amministrazzjonijiet.

5.14.

Bdiewa żgħażagħ qed ikollhom diffikultà fl-aċċess għall-iskema tal-bdiewa żgħażagħ. L-ostakli li jfixklu bla bżonn dan l-aċċess qed jiskoraġġixxu liż-żgħażagħ milli jidħlu fis-settur tal-biedja u jeħtieġ li jitneħħew. Għandu jingħata appoġġ għall-aċċess taż-żgħażagħ għall-agrikoltura.

5.15.

Emendi oħra fil-qafas legali attwali għandhom jiġu maqbula fi żmien suffiċjenti biex jippermettu lill-bdiewa jippjanaw b’ mod adegwat għall-istaġun taż-żriegħ. B’mod speċifiku, emendi li jaffettwaw l-applikazzjoni għas-sena 2017 għandhom jiġu ppubblikati fis-sajf tal-2016.

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Arranġament ta’ implimentazzjoni għar-riforma tal-PAK (rapport ta’ informazzjoni), NAT/664; Programmi għall-Iżvilupp Rurali (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 89); Il-PAK lejn l-2020 (ĠU C 191, 29.6.2012, p. 116).

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013.


ANNESS

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti:

Żid punt ġdid wara punt 1.5

Żid paragrafu ġdid u adatta n-numerazzjoni:

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-ispezzjonijiet tal-irziezet isiru biss wara li li l-bidwi jingħata perjodu ta’ avviż raġonevoli li ma jkunx inqas minn erbatax-il jum.

Raġuni

Farmers who are inspected without advanced notice, often at the busiest times of the year, risking health and safety as well as mental stress caused by having to abandon important work, such as calving, harvesting and so on.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

84

Kontra

104

Astensjonijiet

35

Żid punt ġdid qabel punt 1.6

Żid paragrafu ġdid u adatta n-numerazzjoni:

Għandu japplika livell ogħla ta’ tolleranzi ta’ ksur minuri, fejn dan ikun jirrappreżenta livell baxx ta’ nonkonformità u faċilment tista’ ssir korrezzjoni tiegħu.

Raġuni

Certain infringements are by their nature very minor and easily correctible and in many cases do not affect the overall farm output.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

75

Kontra

116

Astensjonijiet

40


24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Universitajiet impenjati fit-tiswir tal-Ewropa”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 071/03)

Relatur:

is-Sur Joost VAN IERSEL

Nhar id-19 ta’ Marzu 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

Universitajiet impenjati fit-tiswir tal-Ewropa

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tad-9 ta’ Diċembru 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’143 vot favur, vot 1 kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-futur tal-Ewropa jiddependi ħafna mid-disponibbiltà ta’ għarfien tal-ogħla livell u persuni b’talenti f’soċjetà miftuħa u bbażata fuq l-għarfien. L-universitajiet għandhom rwol ċentrali x’jaqdu f’dan il-proċess. Jekk kull Stat Membru jaġixxi waħdu, ir-riżultat dejjem se jkun inqas minn ideali.

1.2.

Il-KESE jenfasizza li l-kompetenzi nazzjonali u tal-UE għandhom jinqasmu u jiġu rfinati sabiex tinħoloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja. Il-kunċett ta’ università ċivika u intraprenditorjali jista’ jkun ukoll utli ħafna fit-trawwim tal-kwalità tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa.

1.3.

Is-sitwazzjoni attwali turi li minkejja l-progress li sar, għad hemm ħafna ostakli u restrizzjonijiet li jxekklu wkoll il-parteċipazzjoni effettiva tal-UE. Kulturi differenti, interessi personali, nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u żviluppi demografiċi spiss iservu ta’ tfixkil għall-provvista ta’ tweġibiet aġġornati għall-isfidi dinamiċi bħall-globalizzazzjoni, teknoloġiji ġodda, u l-mobbiltà.

1.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jaġixxu bħala stimolu u għandhom iħaffu l-proċess ta’ modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja Ewropea, f’termini ta’ edukazzjoni kif ukoll ta’ riċerka u innovazzjoni. L-universitajiet għandhom missjoni awtonoma li jaqdu l-interess pubbliku. Is-sussidjarjetà u d-diversità tal-universitajiet ma jippermettux approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”. Madankollu, gwida strateġika u appoġġ fil-livell tal-UE jistgħu jikkontribwixxu b’mod deċiżiv biex jittejbu l-kundizzjonijiet.

1.5.

Dak li huwa kruċjali huwa li l-Kummissjoni Ewropea tistimula u tmexxi ‘l quddiem l-aġenda għall-proċess ta’ trasformazzjoni tal-universitajiet Ewropej fi xpruni konġunti għat-tkabbir u l-koeżjoni soċjali u għall-ġid tas-soċjetà.

1.6.

Għandha ssir referenza espliċita għall-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) u fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (CSR).

1.7.

L-UE għandha turi l-impenn tagħha favur l-edukazzjoni għolja permezz tal-Istrateġija Ewropa 2020 (inkluż is-Semestru), Erasmus+, Orizzont 2020, il-fondi reġjonali u ta’ koeżjoni, u billi tagħmel il-mobbiltà transkonfinali aktar faċli għall-istudenti u l-lekċerers.

1.8.

Il-konsultazzjonijiet strateġiċi fil-livell tal-UE għandhom jikkomplementaw id-diskussjonijiet u l-proġetti fil-pajjiżi u l-universitajiet u bejniethom sabiex tingħata spinta lil kwalunkwe kwalità tal-universitajiet Ewropej. L-aħjar prattiki għandhom jiġu disseminati b’mod sistematiku.

1.9.

Għal darb’oħra, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jiżviluppaw awtonomija, responsabbiltà u trasparenza reali bħala prerekwiżiti essenzjali għall-modernizzazzjoni (1). Dawn il-prerekwiżiti ma jistgħux jintlaħqu mingħajr finanzjament xieraq u adegwat.

1.10.

It-trasformazzjoni tal-universitajiet, fi żmien ta’ tibdil ekonomiku u soċjali kbir, hija proċess fit-tul u diffiċli. L-universitajiet għandhom jiżviluppaw attitudni miftuħa għall-ħtiġiet tas-soċjetà, u għandhom jinkludu ħidma ta’ kuntatt ma’ partijiet interessati oħra.

1.11.

Il-KESE jilqa’ l-kunċett ta’ università ċivika u l-mudell tat-tliet spirali (triple helix) u l-erba’ spirali (quadruple helix) (2). L-enfasi qiegħda fuq il-ftuħ tal-edukazzjoni għolja, żieda fl-aċċess, il-kuntest reġjonali, l-integrazzjoni ta’ ideat mill-partijiet interessati (potenzjali) kollha fil-programmi, u fuq rabta intelliġenti u aġġornata bejn ir-riċerka u l-edukazzjoni.

1.12.

L-università ċivika għandha numru ta’ elementi komuni mal-università intraprenditorjali. Din tenfasizza l-missjoni awtonoma tagħha, u hija miftuħa għas-suq tax-xogħol u r-rilevanza soċjali ta’ kurrikuli edukattivi u ta’ riċerka u innovazzjoni. Il-pjattaformi tal-partijiet interessati (3) jistgħu jkunu utli ħafna fil-kodefinizzjoni tar-rekwiżiti. Is-sħubijiet pubbliċi-privati bejn universitajiet u gruppi soċjali ta’ kull tip jistgħu jkunu daqstant ieħor ta’ benefiċċju.

1.13.

Il-livell tat-tagħlim u tħejjija adegwata għal impjiegi sussegwenti għandhom jibqgħu prijorità irrispettivament mill-ispeċjalizzazzjoni ta’ università (ta’ livell għoli). L-eċċellenza fit-tagħlim, jeħtieġ ukoll li tiġi ppremjata.

1.14.

Il-Kummissjoni għandha taqdi rwol stimulanti fl-interazzjoni transkonfinali produttiva u ta’ benefiċċju bejn l-universitajiet, il-lekċerers u l-istudenti kif ukoll fil-promozzjoni tal-aċċess miftuħ għad-dinja; u biex tiżviluppa strumenti, bħal U-Multirank, fejn ikun xieraq, għal studenti u partijiet interessati oħra.

2.   Sitwazzjoni attwali

2.1.

Il-varjazzjonijiet konsiderevoli bejn l-universitajiet fl-Ewropa huma riżultat ta’ tradizzjonijiet u kulturi differenti ħafna (4). Fl-1999, il-proċess ta’ Bolonja nieda xejra ta’ suċċess lejn il-modernizzazzjoni tal-kurrikuli.

2.2.

Mill-2008 ‘l hawn, il-kriżi ekonomika u finanzjarja ġiegħlet lill-universitajiet biex jevalwaw mill-ġdid l-operat tagħhom aktar mill-qrib u biex ifittxu sorsi ta’ finanzjament ġodda u valur għall-flus. Din żiedet il-kompetizzjoni għal riżorsi skarsi. Nuqqas ta’ finanzjament suffiċjenti joħloq problema reali għal ħafna universitajiet u huwa ta’ impediment għall-aġenda ta’ modernizzazzjoni.

2.3.

It-trasformazzjoni profonda u dinamika li s-soċjetà għaddejja minnha bħala konsegwenza tal-globalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda qed tħalli l-effetti tagħha fuq l-universitajiet. L-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni huma fil-qalba ta’ rkupru ekonomiku sostenibbli, iżda r-restrizzjonijiet finanzjarji u l-proċess ta’ trasformazzjoni jiżvelaw nuqqasijiet daqstant ieħor sensittivi.

2.4.

Aspett fundamentali huwa n-nuqqas ta’ awtonomija, responsabbiltà u trasparenza. Jeżistu diskrepanzi sostanzjali bejn l-Istati Membri (5).

2.5.

L-aħjar prattika turi li eżami tal-istrutturi u tal-kurrikuli, kif ukoll trasparenza u kooperazzjoni akbar, isaħħu l-kwalità u l-produzzjoni.

2.6.

Illum il-ġurnata l-edukazzjoni għolja għandha tkun aċċessibbli għall-persuni kollha li għandhom talent. Iż-żieda fil-korrelazzjoni bejn l-aċċess u l-isfond soċjoekonomiku qed thedded il-prinċipju ta’ ekwità. Barra minn hekk, f’għadd ta’ pajjiżi, l-edukazzjoni għolja bl-ebda mod ma tiżgura impjieg sigur. Matul il-kriżi, iż-żgħażagħ b’edukazzjoni għolja bl-ebda mod ma kienu protetti mill-qgħad.

2.7.

Ix-xejriet demoġrafiċi qed jipperikolaw (dejjem aktar) liż-żoni inqas popolati u inqas kompetittivi. Dan l-iżvilupp spiss ikollu konsegwenzi serji għall-attrazzjoni tal-għalliema u l-istudenti u għall-kwalità tal-għalliema u l-istudenti li jiġu attratti. Xi pajjiżi huma mhedda minn eżodu ta’ mħuħ. Universitajiet privati ġodda fil-pajjiżi kkonċernati, b’nuqqas ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità adatta, iġibu riżultati li mhumiex sodisfaċenti. Dan huwa aggravat minn nuqqas ta’ finanzjament għall-edukazzjoni għolja tradizzjonali.

2.8.

Ix-xewqa għal relazzjonijiet eqreb bejn l-universitajiet u s-soċjetà qed tqanqal diskussjonijiet kullimkien dwar ir-rwol tagħhom fis-soċjetà, kif ukoll dwar alleanzi ma’ partijiet interessati oħra bħan-negozji, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.

2.9.

Ta’ spiss tinħass sew id-diskrepanza bejn il-ħiliet tal-gradwati u l-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol, u bejn il-provvista u d-domanda. In-negozji jilmentaw dwar nuqqas ta’ professjonisti kwalifikati, b’mod speċjali fil-professjonijiet tekniċi u l-ICT. Il-bidliet rapidi tal-bażi tal-għarfien globali jfissru li jinħtieġu, issa aktar minn qatt qabel, il-kompetenzi adatti għas-seklu 21 biex il-gradwati jkunu jistgħu jaġġornaw l-għarfien tagħhom b’mod sistematiku.

2.10.

Barra minn hekk, it-teknoloġiji ġodda u d-diġitalizzazzjoni qed jisfurzaw lill-edukazzjoni għolja tadatta u tirfina l-metodoloġiji eżistenti. Forom ġodda ta’ tagħlim qed isiru iktar stabbiliti, inkluż it-tagħlim iċċentrat fuq l-istudent, u l-korsijiet onlajn. Madankollu, il-kampusijiet fiżiċi tal-università ser jibqa’ jkollhom rwol ewlieni fil-komunitajiet lokali u reġjonali bħala postijiet li jlaqqgħu l-edukazzjoni, ir-riċerka u n-netwerking.

2.11.

L-istudenti u l-akkademiċi/l-għalliema tal-università qed isiru dejjem iżjed mobbli madwar id-dinja. Fis-saff ta’ fuq għaddejja “ġlieda għat-talenti”, iżda t-tendenza ġenerali hija usa’. Il-kwalità u l-attraenza tal-universitajiet Ewropej huma fatturi ewlenin għall-istudenti minn barra, li jikkontribwixxu għall-edukazzjoni u r-riċerka, u għall-ħolqien ta’ netwerks dejjiema.

2.12.

Biex tinkiseb aktar produzzjoni, l-universitajiet (tal-ogħla livell) spiss jenfasizzaw ir-riċerka bħala l-kompitu ewlieni tagħhom u r-regolamenti finanzjarji jappoġġaw dan. Enfasi primarja fuq ir-riċerka għandha tendenza li tipperikola l-bilanċ ottimali u l-interazzjoni bejn ir-riċerka u t-tagħlim.

3.   It-trasformazzjoni u l-ftuħ tal-universitajiet

3.1.

L-iżvilupp ta’ universitajiet f’ċentri tal-għarfien fi ħdan is-soċjetà bħala parti integrali tal-ekosistema tal-UE qed iqanqal diskussjoni dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-edukazzjoni għolja, li fuqhom għandhom jiġu bbażati l-prattiki ta’ kuljum.

3.2.

Filwaqt li hemm approċċi differenti, tendenza komuni tidher li hija l-ftuħ tal-edukazzjoni għolja għall-opinjonijiet u l-interessi ta’ partijiet interessati pubbliċi u privati u studenti, u għal kwistjonijiet bħall-interazzjoni produttiva u ta’ benefiċċju bejn ir-riċerka u l-edukazzjoni u kooperazzjoni u internazzjonalizzazzjoni akbar.

3.3.

Għal bosta universitajiet dan huwa proċess fit-tul u impenjattiv. Mhuwiex faċli li l-istituzzjonijiet il-kbar tradizzjonali jibdlu l-imġiba tagħhom. Barra minn hekk, f’ħafna pajjiżi l-proċeduri (politiċi) eżistenti biex jinħatru gvernaturi kif ukoll lekċerers u riċerkaturi huma ta’ xkiel għall-bidla. F’dawn il-każijiet, l-approċċi indipendenti mill-universitajiet u fi ħdanhom huma rari. Fil-fehma tal-KESE, il-ftuħ tal-edukazzjoni għolja u ż-żamma ta’ mentalità miftuħa għandhom ikunu prijorità ewlenija għall-edukazzjoni għolja madwar il-kontinent.

3.4.

Riċerka tal-ogħla livell kif ukoll persuni mħarrġa aħjar u bi kwalifiki għolja, huma indispensabbli għar-reżiljenza ta’ kwalunkwe ekonomija. Il-kriżi kellha effett detrimentali fuq ir-riżultati fiċ-ċentri ta’ għarfien, filwaqt li l-analiżijiet juru rabta diretta bejn ir-riċerka u l-edukazzjoni tal-ogħla livell u l-prestazzjoni ekonomika.

3.5.

L-universitajiet m’għadhomx jimmiraw lejn l-ogħla livelli tas-soċjetà. L-għadd u d-daqs tagħhom żdiedu b’mod drammatiku. Ix-xenarju sar aktar varjat: aktar kategoriji, partikolarment, universitatjiet tax-xjenzi applikati flimkien ma’ universitajiet tar-riċerka, ċentri ta’ edukazzjoni għolja reġjonali flimkien ma’ universitajiet nazzjonali u internazzjonali, u numru akbar ta’ fakultajiet, partikolarment fis-setturi ekonomiċi u tekniċi, eċċ.

3.6.

Il-ftuħ tal-aċċess għall-edukazzjoni għolja huwa ġustament prijorità politika madwar il-kontinent Fl-UE, 40 % tal-ġenerazzjoni li jmiss għandha tkun tista’ tikseb lawrja universitarja. Barra minn hekk, il-kurrikuli, l-għodod ta’ tagħlim (l-użu tal-midja moderna f’tagħlim imħallat, eċċ.), ir-relazzjoni bejn ir-riċerka u l-edukazzjoni, kif ukoll aspetti oħra bħall-internazzjonalizzazzjoni u l-interess pubbliku, m’għandhom l-ebda xebh ma’ kif kienu fil-passat. Jeħtieġ li l-metodi ta’ ġestjoni jiġu aġġustati għal dan.

3.7.

Universitajiet awtonomi, responsabbli u trasparenti għandhom ikunu jistgħu jaġixxu kemm jista’ jkun b’mod liberu fi ħdan qafas legali li jinkoraġġixxi l-azzjoni minn isfel għal fuq u l-kompetizzjoni bħala kontribut ewlieni għal parteċipazzjoni usa’ u speċjalizzazzjoni intelliġenti.

3.8.

Attitudni miftuħa, inkluż djalogu ċar ma’ partijiet interessati oħra, għandha tappoġġja lill-universitajiet bħala xpruni għat-tkabbir, il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali.

3.9.

Għall-vijabbiltà ekonomika tal-komunità lokali u reġjonali, il-kunċetti tal-università ċivika u dik intraprenditorjali jistgħu jkunu utli ħafna. Dawn il-kunċetti jeħtieġu kemm ambizzjoni kif ukoll kooperazzjoni mill-qrib bejn l-universitajiet, il-partijiet interessati tagħhom, u l-awtoritajiet pubbliċi.

4.   L-università ċivika

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-kunċett ta’ università ċivika (6). Dan imur lil hinn mit-tagħlim, ir-riċerka akkademika u l-għarfien. Università ċivika timpenja b’mod attiv lill-pubbliku u s-soċjetà ta’ madwarha – fil-livelli kollha. Kull università tista’ żżid dimensjoni ċivika għall-prestazzjoni tagħha billi taqdi rwol kemm bħala stazzjon ta’ produzzjoni intellettwali għall-komunità kif ukoll bħala substazzjon, li jittrasforma ideat eċċellenti minn bnadi oħra għall-kuntest speċifiku tagħha.

4.2.

Proċessi bħal dawn qed iseħħu madwar l-Ewropa – permezz ta’ riċerka mmexxija mid-domanda, tagħlim ibbażat fuq il-problemi, kooperazzjoni bejn universitajiet u komunitajiet lokali, skejjel, sptarijiet, negozji eċċ. Madankollu, għad hemm bżonn ammont sostanzjali ta’ bini tal-kapaċità (7).

4.3.

Fil-livell reġjonali, l-universitajiet jistgħu jappoġġjaw approċċ olistiku u jkunu minn ta’ quddiem fit-tlaqqigħ ta’ partijiet interessati rilevanti biex jindirizzaw sfidi komuni. Università ċivika mfassla tajjeb tista’ wkoll taqdi rwol importanti fil-promozzjoni tal-prestazzjoni ta’ reġjuni f’diffikultà.

4.4.

Il-forma tal-mudell ser tvarja minn università għall-oħra. Minbarra dawk l-universitajiet ikkonċernati direttament minn żoni anqas għonja u bi prestazzjoni ekonomika dgħajfa u/jew diffikultajiet demografiċi, il-kriterji li jikkwalifikaw università bħal waħda “ċivika”, huma validi għal grupp ferm usa’. Illum il-ġurnata, universitajiet Ewropej ta’ livell dinji u dawk b’ambizzjonijiet simili bir-raġun qed juru dejjem aktar interess fl-impenn ċiviku.

4.5.

L-università ċivika tippreżenta mudell għall-universitajiet li jridu jimxu lil hinn mill-metodi ta’ ġestjoni antikwati jew l-approċċi tradizzjonali. Dan huwa partikolarment importanti f’każijiet fejn it-talenti taż-żgħażagħ għandhom jingħataw sfida biex jikkontribwixxu għall-ekonomija nazzjonali jew reġjonali. Il-kooperazzjoni approfondita ma’ partijiet interessati rilevanti fir-reġjuni kollha għandha tkun l-formola li tqanqal il-ftuħ u l-modernizzazzjoni.

4.6.

Il-presidenzi rispettivi tal-Kunsill ġustament ħadu approċċ simili fid-Dikjarazzjonijiet ta’ Lund u ta’ Ruma (8), fejn enfasizzaw il-ħtieġa li r-riċerka tiffoka fuq l-isfidi l-kbar ta’ żmienna, li wieħed imur lil hinn minn approċċi tematiċi riġidi u jinvolvi partijiet interessati kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat. Fir-rigward tat-tiswir taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Unjoni tal-Innovazzjoni, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Responsabbli huma għan ċentrali li jkopru l-politiki u l-attivitajiet rilevanti kollha. Dawn il-prinċipji huma wkoll prijoritajiet taħt il-programm Orizzont 2020.

4.7.

Flimkien mal-mudell ta’ “tliet spirali” – li jinvolvi kooperazzjoni bejn l-universitajiet, is-settur privat, il-gvern – hemm il-mudell ta’ “erba’ spirali” li jinvolvi wkoll lill-komunitajiet lokali u lis-soċjetà ċivili. Dan għandu sens qawwi ta’ post u sens ta’ skop, u huwa trasparenti u responsabbli lejn il-partijiet interessati tiegħu u l-pubbliku ġenerali. Dan jippreżenta opportunità ġdida biex is-soċjetà ċivili tkun involuta.

4.8.

Grupp speċifiku wieħed li għandu jingħata attenzjoni huwa dak tal-eks-studenti: l-alumni. Jista’ jsir aktar fl-Ewropa biex jitħeġġu jgħinu biex itejbu l-prestazzjoni u r-reputazzjoni tal-universitajiet. Hawnhekk, l-Ewropa tista’ ssegwi l-eżempju ta’ prattika komuni tal-Istati Uniti.

4.9.

L-alumni għandhom jitqiesu bħala parti integrali tal-komunità universitarja. Dawn jistgħu jkunu ambaxxaturi tal-università fil-livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, u xpruni fid-diskussjoni dwar il-kurrikuli, li huwa partikolarment utli fi żminijiet ta’ bidla dinamika. Huma jistgħu jkunu strumentali fid-diskussjoni dwar il-bilanċ bejn ir-riċerka u l-edukazzjoni kif ukoll bejn ir-riċerka u s-suq. Għan speċifiku jista’ jkun l-użu ta’ alumni bħal kowċis għal gradwati reċenti, speċjalment l-istudenti tal-ewwel ġenerazzjoni, inklużi dawk barranin.

4.10.

Mobilità akbar ta’ alumni tiġġenera netwerks internazzjonali ta’ suċċess, li jistgħu jkunu daqstant ieħor ta’ benefiċċju għall-universitajiet tagħhom u għall-industrija.

5.   L-università intraprenditorjali

5.1.

“L-università ċivika” għandha numru ta’ elementi komuni mal-università intraprenditorjali. L-universitajiet mhumiex kumpaniji. Huma għandhom missjoni awtonoma fl-interess pubbliku, b’mod partikolari biex jedukaw, iwettqu riċerka (tal-ogħla livell), u għall-użu ta’ għarfien mis-soċjetà inġenerali. L-università intraprenditorjali għandha enfasi doppju: it-tmexxija u l-ġestjoni tal-istituzzjoni u t-trawwim tal-ħiliet intraprenditorjali tal-istudenti u s-sens ta’ inizjattiva.

5.2.

Ir-rilevanza ta’ kurrikuli edukattivi għas-suq tax-xogħol u r-rilevanza tar-riċerka u l-innovazzjoni għas-soċjetà huma importanti ħafna. Il-komunikazzjoni u l-interazzjoni mas-settur privat fil-livell nazzjonali/reġjonali huma kruċjali biex jintlaħqu l-isfidi li qed tiffaċċja s-soċjetà.

5.3.

Il-mentalità sajlo m’għadhiex utli. Id-dinamiki teknoloġiċi u l-isfidi tas-soċjetà jitolbu aġġustament kontinwu. In-naħa tad-domanda qed issir dejjem aktar kumplessa, u tirrikjedi kompetenzi interdixxiplinari u transdixxiplinari u ftuħ għal kwalunkwe żvilupp ġdid. Minbarra l-kompetenzi professjonali, dan jinvolvi wkoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati ħiliet. Il-pjattaformi tal-partijiet interessati, marbuta mal-universitajiet, jistgħu jkunu utli ħafna b’rekwiżiti mfassla b’mod konġunt. L-għalliema għandhom ikunu ppreparati sew għal dan il-kuntest dinamiku. Il-ħiliet intraprenditorjali (9) għandhom ukoll jiġu mgħallma f’kull xorta ta’ edukazzjoni għolja fl-Unjoni Ewropea.

5.4.

Bl-istess mod, jistgħu jkunu daqstant ta’ benefiċċju l-istrutturi ta’ sħubijiet pubbliċi privati li jlaqqgħu flimkien l-universitajiet u l-gruppi soċjali, bħaċ-ċrieki tan-negozju u s-settur tas-saħħa.

5.5.

Proġett siewi għall-universitajiet ikun li jinħolqu “Ktajjen ta’ Valur tal-Edukazzjoni”, f’kooperazzjoni ma’ setturi tan-negozju. Hemm żewġ għanijiet ewlenin għal dan:

li jiġu ffaċilitati l-kuntatti u l-iskambju ta’ informazzjoni mas-setturi tan-negozju, sabiex jittejbu r-riżultati tat-tagħlim għall-gradwati individwali u għan-negozju

li jiġu distribwiti riżorsi u fondi fost id-diversi komponenti tal-“katina edukattiva”, mill-Kummissjoni u l-ministeri nazzjonali sal-awtoritajiet tal-iskola, u, fl-aħħar nett, għall-istudenti. B’mod parallel, għandhom jiġu promossi l-edukazzjoni teknika u tal-apprendistat.

5.6.

Bl-istess mod, il-ftehimiet ta’ prestazzjoni, kif applikati f’xi Stati Membri, ser jagħtu spinta lill-ispeċjalizzazzjoni, il-profil u r-reputazzjoni tal-universitajiet. Dawn jista’ jkollhom enfasi wiesgħa internazzjonali kif ukoll reġjonali, u jtejbu l-ambizzjoni u l-kwalità tal-programmi u tal-istudenti. Biex jinkiseb dan, huwa essenzjali l-impenn konsistenti fuq iż-żewġ naħat (il-gvernijiet u l-edukazzjoni għolja).

5.7.

L-innovazzjoni għandha taffettwa kemm lir-riċerka u lill-edukazzjoni kif ukoll lill-governanza. Eżempju ta’ suċċess ta’ titjib minn isfel għal fuq huwa HEInnovate, għodda ta’ awtovalutazzjoni onlajn indipendenti, żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea (10). Għandu jiġi mħeġġeġ użu akbar ta’ din l-għodda.

5.8.

Programmi universitarji ppreżentati fil-livell internazzjonali kif ukoll varjetà wiesgħa ta’ korsijiet onlajn qed jiġu offruti għall-istudenti li jixtiequ jkunu iktar mobbli. Il-komparabbiltà u t-trasparenza għandhom irawmu l-kompetizzjoni u l-konverġenza f’termini ta’ prestazzjoni. Għodod ta’ trasparenza bħal U-Multirank fl-UE għandhom potenzjal kbir u jeħtieġ li l-universitajiet jikkunsidraw kif jistgħu jużaw dan it-tip ta’ strument b’mod aktar effettiv.

5.9.

Il-persuni kollha li għandhom talent għandu jkollhom opportunità ġusta biex jidħlu fis-sistema tal-edukazzjoni għolja. Is-sistemi bi ħlas qed isiru dejjem aktar mifruxa. Bħala riżultat, l-istudenti qed isiru aktar kritiċi dwar l-edukazzjoni li jirċievu. Iżda għandha tiġi eskluża kwalunkwe għażla soċjali li tirriżulta mill-introduzzjoni ta’ tariffi. L-appoġġ għall-istudenti (ibbażat fuq sfond soċjoekonomiku) għandu jiżgura aċċess ġust għal kulħadd għal edukazzjoni xierqa. Barra minn hekk, is-sistemi bi ħlas ma jistgħux jintużaw ħażin biex jissostitwixxu l-finanzjament pubbliku eżistenti.

5.10.

L-iżviluppi demografiċi jitolbu wkoll biex isiru sforzi addizzjonali biex l-għadd ta’ gradwati fir-reġjuni kkonċernati jingħata spinta, speċifikament għall-promozzjoni tar-reżiljenza u l-vijabilità futura ta’ dawk ir-reġjuni.

5.11.

Fejn huma kkonċernati l-istudenti u n-negozju, l-edukazzjoni għolja u r-riċerka għandhom ikunu marbutin mill-qrib. B’kuntrast ma’ dan, il-mudelli ta’ finanzjament għandhom it-tendenza li jiffavorixxu r-riżultati mir-riċerka, li jwasslu għal inqas għalliema tal-università li fil-fatt jgħallmu.

5.12.

L-universitajiet għandhom iqisu b’mod dovut il-fatt li l-maġġoranza kbira ta’ gradwati b’lawrji ta’ Baċellerat u Master, u anke PhDs, ser jiksbu impjiegi fis-soċjetà u n-negozju, ‘il barra mid-dinja akkademika. B’konsegwenza ta’ dan, l-istandards tal-edukazzjoni u t-tħejjija adegwata għall-impjiegi għandhom jibqgħu prijorità irrispettivament mill-ispeċjalizzazzjoni ta’ università (tal-ogħla livell). F’dan ir-rigward, l-Istati Uniti tipprovdi eżempju li l-Ewropa m’għandhiex timxi fuqu (11). Il-formula għall-Ewropa hija li tħabrek favur l-eċċellenza u l-ekwità.

5.13.

Id-diġitalizzazzjoni hija bidla fundamentali li qed taffettwa l-edukazzjoni għolja b’mod profond f’termini ta’ tagħlim u tagħlim (imħallat (12)), il-ħiliet tal-għalliema u tal-istudenti, u l-istrutturi ta’ governanza. Ser ikunu meħtieġa aktar dinamiżmu u flessibilità fil-livelli kollha. F’dan ir-rigward, kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-edukazzjoni għolja u s-settur privat hija wkoll ta’ benefiċċju, jekk mhux essenzjali.

6.   Spinta ‘l quddiem għad-dimensjoni Ewropea

6.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li s-suġġetti kollha t’hawn fuq, flimkien mal-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja, huma dejjem aktar preżenti fuq l-aġenda tal-UE. Ikun tajjeb li jinsab approċċ komuni għall-iżgurar tat-tlestija b’suċċess taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja u ż-Żona ta’ Riċerka Ewropea.

6.2.

L-universitajiet miftuħa u trasparenti, flimkien ma’ strateġija Ewropea ddefinita tajjeb li sservi ta’ gwida, ser ikunu ta’ benefiċċju kbir għas-suq uniku u għall-modernizzazzjoni ta’ soċjetà Ewropea b’reżiljenza fl-arena globali. Il-moviment ħieles ta’ studenti, riċerkaturi u l-għarfien huwa essenzjali għal dan.

6.3.

L-involviment tal-UE fl-edukazzjoni għolja beda bil-promozzjoni tar-riċerka xjentifika fi programmi qafas konsekuttivi. Sadanittant, l-impenn tal-UE għall-qasam tal-edukazzjoni qed jikber. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sostnuti l-ispejjeż li joħolqu t-tkabbir, inkluż b’mod partikolari l-edukazzjoni għolja.

6.4.

Tnejn mill-ħames miri ewlenin tal-Ewropa 2020 huma relatati direttament mal-edukazzjoni għolja: l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-innovazzjoni, u l-edukazzjoni. Dawn jimpenjaw numru ta’ kummissarji differenti. Fl-2014, ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi żvelaw li madwar nofs l-Istati Membri jiffaċċjaw problemi serji rigward in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol, kif ukoll nuqqas persistenti ta’ kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni għolja u n-negozji jew partijiet interessati oħra.

6.5.

Ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi juru l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-impjegabbiltà u l-bżonnijiet tas-settur privat u tal-istudenti/il-gradwati bħala impjegati (jew impjegaturi) futuri kif ukoll il-kompetittività, permezz ta’ kooperazzjoni aktar effettiva bejn l-edukazzjoni għolja, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u n-negozju. Il-KESE jinsisti li s-segwitu tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż għandu jiġi sorveljat b’mod iktar effettiv u li r-riżultati jiġu diskussi b’mod trasparenti mill-Kummissjoni u l-Kunsill.

6.6.

Madankollu, f’kuntrast mal-ħtieġa li l-edukazzjoni għolja tkun awtonoma u responsabbli, hemm forzi politiċi fl-Istati Membri li qed jappellaw għal aktar regolamentazzjoni, li twassal għal inqas awtonomija. F’dawn il-każijiet, is-sussidjarjetà tiġi invokata bħala prinċipju, u b’hekk dan ma jippermettix l-armonizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa. Dan ikun ta’ ħsara għall-interessi tal-istudenti u tas-soċjetà kollha kemm hi.

6.7.

Għandu jsir użu tal-kwalifiki ogħla u usa’ fl-UE u lil hinn minnha. Dan jitlob li jkun hemm interazzjoni transkonfinali u ta’ benefiċċju bejn l-universitajiet, il-lekċerers u l-istudenti u li jkun hemm sens ta’ ftuħ għad-dinja. Impenn espliċitu mill-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandu jwassal għal prestazzjoni mtejba tal-edukazzjoni għolja permezz ta’ kondiviżjoni aħjar u l-irfinar ta’ kompetenzi nazzjonali u tal-UE.

6.8.

Il-KESE dejjem jenfasizza l-importanza kruċjali tal-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE. Ir-riċerka transkonfinali trawwem ritorn fuq l-investiment, il-programmi tal-UE jinkoraġġixxu enfasi fuq teknoloġiji ewlenin u temi strateġiċi, l-iffinanzjar transnazzjonali jwassal għal produzzjoni ogħla, u l-alleanzi xjentifiċi Ewropej jagħtu spinta ġenwina lill-kompetittività Ewropea. Għal dan l-għan, l-għarfien ġdid għandu jinqasam ukoll b’mod aktar wiesa’, b’mod partikolari permezz ta’ aċċess miftuħ.

6.9.

Fil-qafas tas-Seba’ Programm Qafas (FP7) u, mill-2014 ‘l hawn, taħt il-programm Orizzont 2020, il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka rnexxielu jappoġġja riċerka ta’ kwalità għolja permezz ta’ finanzjament kompetittiv. Madankollu, l-ostakli strutturali għadhom ifixklu l-mobbiltà transkonfinali tar-riċerkaturi, l-akkademiċi u l-istudenti.

6.10.

Il-prestazzjoni tal-edukazzjoni għolja u r-riċerka qegħdin dejjem aktar jiġu evalwati u jsiru trasparenti globalment. L-universitajiet qed jikkooperaw u jikkompetu fuq skala globali, filwaqt li jaħdmu fuq proġetti ta’ riċerka konġunta, ifittxu l-eċċellenza u, dejjem aktar, jirreklutaw studenti u persunal minn barra l-UE. Din hija kwistjoni ewlenija, iżda r-regolamenti nazzjonali u n-nuqqas ta’ stimolu jistgħu joħonqu l-progress f’dan il-qasam. Il-kejl internazzjonali juri li d-diskrepanza bejn l-atturi Ewropej bl-aħjar prestazzjoni u atturi oħrajn qed tikber.

6.11.

Għandhom isiru aktar sforzi biex jiġu involuti riċerkaturi eċċellenti minn madwar l-Ewropa kollha fi proġetti konġunti. Jeħtieġ li n-niċeċ ta’ eċċellenza madwar il-kontinent jiġu konnessi u li jipparteċipaw fi proġetti ta’ riċerka eċċellenti fl-Ewropa.

6.12.

Il-mobbiltà fost l-akkademiċi u l-istudenti fl-Ewropa hija limitata, peress li l-moviment transkonfinali għadu mxekkel b’mod artifiċjali. L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ugwali għar-riċerkaturi u l-akkademiċi flimkien ma’ konverġenza akbar tal-kurrikuli u l-kwalifiki tal-istudenti fl-Ewropa huma kwistjoni ta’ urġenza.

6.13.

L-istatistika inadegwata għandha tittejjeb u tintuża aħjar sabiex tkejjel il-firxa tal-mobbiltà u tappoġġjaha.

6.14.

Kemm il-ftuħ u l-modernizzazzjoni tal-universitajiet, kif ukoll id-diversifikazzjoni kulturali permezz ta’ iktar internazzjonalizzazzjoni huma fatturi pożittivi. Barra minn hekk, l-istudenti, appoġġati minn midja soċjali aġġornata, strumenti ta’ trasparenza bħal U-Multirank, u l-ispeċjalizzazzjoni tal-universitajiet huma mħeġġa jagħmlu għażliet speċifiċi. Soluzzjonijiet prammatiċi fil-livell tal-UE għandhom ikunu ta’ għajnuna għalihom.

6.15.

Kooperazzjoni aktar mill-qrib fost dawk li huma lesti għaliha tista’ turi t-triq ‘il quddiem. Eżempju wieħed huwa l-ftehim riċenti bejn il-pajjiżi tal-Benelux dwar ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi. Dan huwa pass deċiżiv ‘il quddiem (13). Ix-xejra lejn ir-rikonoxximent reċiproku tal-lawrji universitarji u tal-lawrji differenti fix-xjenzi ser tgħin biex jitnaqqsu l-ostakli bejn l-universitajiet u biex jinħolqu skambji miftuħa.

6.16.

Jeħtieġ li s-sistemi adegwati tal-garanzija tal-kwalità jiġu internazzjonalizzati u għandu jkollhom rabta Ewropea ċara. Dan jinkludi l-ħtieġa biex jiġu rikonoxxuti d-deċiżjonijiet ta’ akkreditament. Kull inizjattiva f’dan il-qasam għandha tiġi milqugħa (14). Proċess ta’ rikonoxximent reċiproku għandu bil-mod il-mod iwassal għal akkreditament pan-Ewropew u, b’mod partikolari, jagħti spinta lill-kwalità tat-tagħlim f’universitajiet bi prestazzjoni baxxa.

6.17.

Tali prattiki jkunu ta’ benefiċċju madwar l-Ewropa kemm għall-mobbiltà kif ukoll għall-impjegabbiltà. Bl-introduzzjoni ta’ lawrja waħda għal bosta universitajiet, il-programmi konġunti bejn l-universitajiet isiru ħafna iktar attraenti. Għandu jiġi kkunsidrat l-appoġġ għall-ġemellaġġ. L-iskambju tal-prattiki amministrattivi u ta’ tagħlim fuq il-post jistgħu jtejbu l-kwalità.

6.18.

Kundizzjoni bażika għall-internazzjonalizzazzjoni huwa l-użu ta’ lingwi komuni. L-għarfien ta’ (aktar minn żewġ) lingwi huwa rakkomandabbli għal raġunijiet kulturali u ekonomiċi. L-Ingliż jista’ jkun il-lingwa franka tal-lum. Il-progress fit-titjib tal-ħiliet lingwistiċi miexi bil-mod wisq. Għandu jiġi kkunsidrat l-obbligu li l-istudenti jkunu jafu lingwa barranija waħda.

6.19.

Il-programm Erasmus+ kien ta’ suċċess kbir u pass enormi ‘l quddiem fl-iffaċilitar tal-mobbiltà. Huwa wkoll milqugħ tajjeb min-negozju. Dan jorbot sew mal-prinċipju gwida tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir u l-impjiegi. L-iffinanzjar tal-programm għandu jissodisfa d-domanda dejjem tikber. Kwalunkwe restrizzjoni legali għall-iskambji tal-istudenti għandha titneħħa.

6.20.

Il-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment qegħdin ġustament jiffukaw fuq il-fatturi ta’ innovazzjoni u tkabbir, inkluża r-riċerka. Il-Kummissjoni għandha taqdi rwol ta’ gwida fit-titjib tal-parteċipazzjoni tal-universitajiet fi proġetti reġjonali.

6.21.

Bħala regola, l-universitajiet huma indipendenti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, għalkemm hemm eċċezzjonijiet notevoli. Dawn għandhom jiġu enfasizzati. Kontribut pożittiv ħafna qed isir ukoll permezz tal-programm tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), li jorbot ir-riċerka permezz tal-RIS3 (15) mal-programmi reġjonali tal-UE, filwaqt li jrawwem ambjent favorevoli għall-innovazzjoni.

6.22.

L-universitajiet għandhom ikunu konxji tal-RIS3 u l-applikazzjoni tagħhom f’diversi livelli. Flimkien ma’ awtoritajiet reġjonali impenjati għandhom jaqdu rwol attiv fil-programm.

6.23.

B’xorti ħażina, għal raġunijiet ta’ governanza, l-universitajiet għadhom mhux qed jagħmlu użu sew mill-programm tal-FSIE. Jeħtieġ li jitfittxew sinerġiji bejn il-programmi tal-UE (FSIE, Orizzont 2020 u Erasmus+), iżda dawn għandhom tendenza li jiġu mblukkati minn kundizzjonijiet konfliġġenti.

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar L-Universitajiet għall-Ewropa (ĠU C 128, 18.5.2010, p. 48).

(2)  Ara 4.7.

(3)  Dawn il-pjattaformi għandhom jikkonsistu minn msieħba kummerċjali u soċjali kif ukoll imsieħba reġjonali.

(4)  F’din l-Opinjoni, l-istituzzjonijiet kollha ta’ edukazzjoni għolja jissemmew bħala universitajiet. F’xi pajjiżi, issir distinzjoni importanti bejn l-universitajiet tar-riċerka u universitajiet ta’ xjenzi applikati, filwaqt li pajjiżi oħra jirreferu għaż-żewġ kategoriji bħala universitajiet.

(5)  It-tabella ta’ valutazzjoni dwar l-awtonomija tal-Assoċjazzjoni tal-Universitajiet Ewropej turi li għad hemm ħafna xi jrid isir fir-rigward tal-awtonomija organizzazzjonali, finanzjarja, tal-persunal jew l-awtonomija akkademika f’diversi pajjiżi (http//www.university-autonomy.eu/)

(6)  Dan il-mudell ġie approvat minn diversi organizzazzjonijiet, bħall-ERRIN, in-Netwerk tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tar-Reġjuni Ewropej, u l-ECIU, il-Konsorzju Ewropew ta’ Universitajiet Innovattivi. Kelliem prominenti huwa wkoll John Goddard, eks-Deputat Viċi Kanċillier tal-Università ta’ Newcastle.

(7)  Workshop tal-KESE, 13 ta’ Ġunju 2014 – Universitajiet għall-Ewropa.

(8)  Id-Dikjarazzjoni ta’ Lund 2009, id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma 2014.

(9)  Rakkomandazzjoni dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (2006/962/KE). Sens ta’ inizjattiva u intraprenditorija jirreferi għall-kapaċità tal-individwu li jsarraf l-ideat f’azzjoni. Dan jinkludi l-kreattività, l-innovazzjoni u t-teħid tar-riskju kif ukoll il-kapaċità li wieħed jippjana u jiġġestixxi proġetti biex jintlaħqu l-għanijiet.

(10)  Ara www.heinnovate.eu, HEInnovate, How entrepreneurial is your HEI? (Kemm hija intraprenditorjali l-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek).

(11)  Ara The Economist, tat-28 ta’ Marzu 2015, Special report on American universities: Excellence v equity (Rapport speċjali dwar l-universitajiet Amerikani: Eċċellenza vs ekwità).

(12)  It-tagħlim imħallat qed jagħmel użu (integrat) kemm mill-edukazzjoni tradizzjonali kif ukoll dik miftuħa (onlajn).

(13)  Fit-18 ta’ Mejju 2015, il-pajjiżi tal-Benelux iffirmaw ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-lawrji universitarji kollha. Bħala parti mill-proċess ta’ Bolonja, il-Grupp Pathfinder jirrakkomanda li jiġi esplorat ir-rikonoxximent awtomatiku fil-livell tas-sistema fuq bażi reġjonali ma’ pajjiżi msieħba b’filosofija simili.

(14)  Pereżempju, fid-9 ta’ Lulju 2015, l-Akkreditierungsrat (il-Ġermanja) u l-NVAO (in-Netherlands, il-Belġju-Fjandri) qablu li jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet ta’ akkreditament ta’ xulxin rigward il-programmi konġunti bejn dawn il-pajjiżi.

(15)  RIS3: Strateġiji Nazzjonali/Reġjonali ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti.


24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewrope dwar “ir-rwol tal-inġiniera fir-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 071/04)

Relatur:

is-Sur Antonello PEZZINI

Korelatur:

is-Sur Zbigniew KOTOWSKI

Nhar id-19 ta’ Frar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

“Ir-rwol tal-inġiniera fir-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa.”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, fasslet l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Novembru 2015, fuq il-bażi tal-abbozz ippreparat mir-relatur Pezzini u mill-korelatur Kotowski.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tad-9 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’206 vot favur, vot wieħed kontra (1) u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis li kemm l-inġiniera u t-tekniċi Ewropej individwali kif ukoll l-assoċjazzjonijiet nazzjonali u Ewropej tagħhom jirrappreżentaw riżorsa fundamentali fil-proċess ta’ reindustrijalizzazzjoni Ewropea bħala fattur ta’ aċċelerazzjoni tal-bidla fir-riċerki dwar applikazzjonijiet innovattivi tas-suq.

1.2.

L-iżvilupp ekonomiku tal-UE huwa dejjem aktar marbut ma’ proċess ta’ reindustrijalizzazzjoni maħsub bħala strateġija ta’ tranżizzjoni lejn mudelli ġodda sostenibbli ta’ disinn, produzzjoni u tqegħid fis-suq ta’ prodotti innovattivi b’valur miżjud għoli li jinkorporaw teknoloġiji, materjali u servizzi ta’ kwalità ġodda f’dinja dejjem aktar diġitalizzata.

1.3.

Il-KESE jqis li r-rwol ewlieni tal-inġiniera u l-professjonijiet tekniċi f’dan il-proċess sabiex isolvu problemi għas-soċjetà Ewropea mill-isfidi tar-reindustrijalizzazzjoni għandu jkun enfasizzat u apprezzat aktar, u jitlob li jiġi mniedi eżerċizzju ta’ previżjoni parteċipattiv dwar il-futur tal-professjoni.

1.4.

Il-KESE jirrakkomanda l-promozzjoni ta’ kultura Ewropea tal-intraprenditorija u tal-innovazzjoni bit-tnedija ta’ azzjonijiet konkreti biex jixprunaw mill-ġdid l-irkupru tal-professjonijiet ta’ inġinier u tekniku, li huma tant bżonnjużi għal soċjetà ċivili u għall-prosperità.

1.5.

Il-KESE jappoġġja l-bżonn ta’ qafas armonizzat Ewropew determinanti għall-professjoni li għandu jinkludi:

ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali

mobilità fi ħdan l-UE u l-intraprenditorija

matriċi Ewropej ta’ taħriġ permanenti u tagħlim kontinwu formali u informali bi programmi ta’ appoġġ

aċċess aħjar għall-akkwist pubbliku, speċjalment għall-kooperattivi, l-istart-ups u n-netwerks tal-intrapriżi, b’mod partikolari dawk żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet professjonali tal-inġiniera

aċċess aħjar għal finanzjamenti u għas-suq tal-kapital

kampanji li jżidu l-kapaċitajiet ta’ attrazzjoni ta’ korsijiet u karrieri u tar-rikonoxximenti professjonali

appoġġ għall-interdixxiplinarjetà u għax-xogħol f’netwerks diġitali

flessibilità u żvilupp tal-ugwaljanza bejn is-sessi

regolamentazzjoni reċiproka tar-responsabbiltà professjonali fis-suq uniku kollu

politiki attivi biex jiġi mħeġġeġ ir-reklutaġġ ta’ inġiniera mill-SMEs

il-promozzjoni tal-kultura tal-proprjetà intellettwali.

1.6.

Il-KESE jqis li livelli għolja ta’ taħriġ u kwalifika fl-inġinerija jiffurmaw bażi essenzjali għal sistema effikaċi ta’ rikonoxximent reċiproku. Huwa neċessarju li jinżammu standards għolja tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta’ 29 reġim regolamentari tal-UE fakultattiv abbażi tal-isperimentazzjoni fir-rigward tal-“karti professjonali Ewropej” volontarji (1), u bl-appoġġ attiv tal-assoċjazzjonijiet professjonali nazzjonali u Ewropej tal-inġiniera, jekk irridu niżguraw il-fiduċja ta’ kull Stat f’mobilità professjonali reċiproka, ibbażata fuq l-għarfien.

1.6.1.

L-iżvilupp kontemporanju tas-soċjetà qed joħloq għadd kbir ta’ impjiegi ġodda barra mill-qasam tekniku, li taħt l-influwenza tal-midja u x-xewqa għal popolarità soċjali, huma attraenti għaż-żgħażagħ li qed ifittxu karriera rapida u prestiġjuża. Minn din il-perspettiva, il-professjoni ta’ inġinier hija meqjusa bħala waħda “tradizzjonali” li ma tipprovdi l-ebda possibbiltà ta’ karriera faċli u rapida. Fid-dawl ta’ dan, id-dixxiplini fl-inġinerija mhux ħa jkunu attraenti għall-ġenerazzjonijiet futuri, u dan jippreżenta theddida serja għas-suċċess tar-riindustrijalizzazzjoni Ewropea u l-kompetittività tal-industrija Ewropea. Din hija sfida serja fis-sistemi edukattivi eżistenti u jissuġġerixxi l-ħtieġa għal gwida sinifikanti għall-edukazzjoni primarja tal-matematika, il-fiżika u l-inġinerija, u l-preżentazzjoni attraenti tagħhom, b’mod li jqajjem il-kurżità tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ. Bl-istess mod, il-prinċipju ta’ edukazzjoni doppja u l-aħjar prattiki fil-qasam (il-Ġermanja, l-Isvizzera u l-Awstrija) jistħoqqilhom attenzjoni partikolari mill-Istati Membri kollha fejn din is-sistema mhijiex preżenti.

1.7.

Skont il-KESE, għandu jinħoloq Suq Uniku tal-inġinerija Ewropew u jiġi żviluppat approċċ strutturat komuni, li jimmira li jżid il-mobilità fl-ispazju Ewropew kollu, minħabba l-importanza li għandu r-rikonoxximent reċiproku, speċjalment għall-inġiniera awtonomi u indipendenti.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda li jiġi garantit rwol b’saħħtu għall-komponent inġenjeristiku fil-politika ta’ standardizzazzjoni Ewropea sabiex jiġu aċċelerati, simplifikati u modernizzati l-proċeduri, tiġi garantita l-interoperabbiltà tas-sistemi u tan-netwerks.

1.9.

Il-KESE jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet li fihom jopera l-inġinier jiżviluppaw, abbażi tas-sistema tal-qafas Ewropew ta’ kwalifiki professjonali, mudelli ta’ taħriġ fuq bażi elettronika adegwati għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda u l-metodi ta’ governanza u valutazzjoni, adattati għall-karatteristiċi tal-inġiniera ġodda, b’ambjenti u karrieri ta’ xogħol attraenti.

1.10.

Skont il-KESE, l-organizzazzjonijiet ta’ rappreżentanza u l-korpi professjonali għandhom isibu konverġenzi kbar sabiex iwettqu rwol determinanti unitarju, kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE, u joffru lill-membri tagħhom taħriġ permanenti skont parametri komuni Ewropej.

1.11.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti segwitu konkret lill-istituzzjoni tal-Forum Ewropew tal-Professjonijiet Liberi, li fi ħdanu l-inġiniera jsibu rappreżentanza għolja, assoċjazzjonijiet, korpi u kulleġġi professjonali (2) tal-inġiniera, u jitlob għall-ħolqien ta’ Portal tal-Inġiniera Ewropej fejn jistgħu jiġu indirizzati problemi bħal: responsabbiltà, proprjetà intellettwali, l-aspett fiskali u l-pensjonijiet, it-taħriġ kontinwu, kodiċi ta’ prattika tajba, eċċ.

1.12.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tfassal kodiċi Ewropew ta’ prattika tajba tal-inġinerija abbażi tal-esperjenza ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali ta’ inġiniera u tekniċi, u li tipprovdi dawn il-professjonisti l-għodod ġuridiċi-finanzjarji għat-twettiq ta’ proġetti innovattivi, partikolarment għall-SMEs u l-operaturi tar-riċerka u l-iżvilupp.

1.13.

Il-KESE jisħaq dwar il-bżonn li l-professjoni tkun dejjem iżjed ikkonċernata li tiġġestixxi problemi kumplessi, immirata lejn is-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali, u jingħata dejjem iktar valur lil metodi multidixxiplinarji avvanzati u interoperattività adegwata bejn is-sistemi ta’ manifattura u r-realtajiet industrijali ġodda 4.0.

1.14.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20-21 ta’ Marzu 2014 fejn intalab li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika – l-hekk imsejħa kompetenzi STEM – b’mod prijoritarju u b’involviment ikbar tal-industrija.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fl-oriġini tal-inġinerija Ewropea, hemm it-tensjoni lejn ir-rinnovazzjoni rrappreżentata mill-ġenju ta’ Leonardo li jirrifletti l-ftuħ għall-innovazzjoni tas-soċjetà Ewropea u sfera kulturali ta’ żvilupp tal-impenn ċivili, tal-governanza tajba u tal-industrija.

2.2.

Kif jenfasizza l-PE, “Il-kriżi laqtet lill-ekonomiji Ewropej ħażin. L-UE teħtieġ strateġija tat-tkabbir komprensiva biex tegħleb dawn l-isfidi” (3).

2.3.

L-istrateġija ta’ reindustrijalizzazzjoni tal-UE tikkonċentra speċjalment fuq l-investimenti f’termini ta’ innovazzjoni, fejn l-inġinier għandu rwol ewlieni, partikolarment fis-setturi ta’ tkabbir rapidu.

2.4.

Il-konverġenza ta’ teknoloġiji diġitali, sistemi ta’ komunikazzjoni u netwerks intelliġenti, nanobijoteknoloġiji, teknoloġiji industrijali sostenibbli, 3D printers u teknoloġiji nodfa abilitanti intersettorjali qed tbiddel ħafna l-metodi ta’ funzjonament tal-ekonomiji u tas-soċjetà b’veloċità, li saret esponenzjali bis-saħħa tal-globalizzazzjoni.

2.5.

Il-ġejjieni tal-UE huwa marbut ma’ proċess ta’ reindustrijalizzazzjoni maħsub fuq kollox bħala strateġija ta’ tranżizzjoni lejn mudelli ġodda sostenibbli ta’ disinn, produzzjoni u tqegħid fis-suq ta’ prodotti b’valur miżjud għoli li jinkorporaw teknoloġiji, materjali u servizzi ġodda f’dinja dejjem aktar diġitalizzata.

2.6.

Il-KESE huwa konvint li, fin-nuqqas ta’ riżorsi umani tekniċi u xjentifiċi li għandhom il-potenzjal neċessarju fir-rigward tal-esperjenza u tal-għarfien, se jkun diffiċli li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020. B’rabta ma ‘dan irid jiġi enfasizzat ir-rwol ta’ organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet professjonali ta’ inġiniera u tekniċi, fil-livell nazzjonali u Ewropew.

2.7.

Fl-Ewropa, il-maġġoranza tal-kompetenzi tekniċi hija fis-settur tal-inġinerija, li jinkludi madwar 130 000 negozju, li jimpjegaw iktar minn 10 miljun persuna kwalifikati u kompetenti ħafna, bi produzzjoni annwali ta’ madwar EUR 1 840 biljun, ugwali għal madwar terz tal-esportazzjonijiet kollha tal-UE. Barra minn hekk, inġiniera u tekniċi jwettqu rwol importanti fis-setturi kollha tal-ekonomija (4).

2.8.

Għandu jiġi żviluppat approċċ ġdid intelliġenti tal-politiki Ewropej, fejn jiġi garantit rwol ġdid lill-professjonisti b’edukazzjoni teknika. Jidher aktar il-bżonn ta’ ġestjoni tal-proċessi ta’ bidla intelliġenti tat-territorji, mitluba espressament mill-ippjanar Ewropew ġdid.

2.9.

Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, l-UE għandha ttejjeb il-livelli ta’ kapaċità tal-forza tax-xogħol tagħha. Fuq kollox, fi ħdan il-kompetenzi inġenjeristiċi, hemm żieda fid-domanda tal-pubbliku u tas-settur privat. Is-settur pubbliku se jkollu bżonn kompetenzi tekniċi maġġuri sabiex jissodisfaw – bl-applikazzjoni ta’ direttivi ġodda dwar l-akkwist pubbliku, b’tipi ta’ kooperazzjoni f’netwerks ta’ impriżi, bil-ħidma fi klusters u softwer ġdid – l-isfidi fis-setturi tal-enerġija, tat-trasport, tas-saħħa, tal-ġestjoni tal-iskart, tat-tagħlim, tal-marka tal-karbonju, tal-Internet tal-oġġetti, tal-ekonomija ċirkolari.

2.10.

Anke s-settur privat għandu jsaħħaħ il-kompetenzi inġenjeristiċi, jekk jixtieq jiġbor il-frott tal-iżvilupp tal-kompetenzi fil-postijiet tax-xogħol. L-analiżi dwar l-imġiba tal-konsumaturi tindika żieda kontinwa fid-domanda ta’ intelliġenza li tinsab fil-prodotti u s-servizzi.

2.11.

L-għarfien u l-esperjenza teknika għandhom ikunu dejjem aġġornati sabiex jindirizzaw l-isfidi tal-proċessi industrijali ġodda. Huwa neċessarju wkoll li jiġu organizzati forom ġodda ta’ xogħol għall-professjonisti liberi, involuti fil-qasam tas-servizzi professjonali, tekniċi u xjentifiċi fl-Ewropa. Huwa neċessarju li jiġu organizzati forom ġodda ta’ xogħol għall-professjonisti liberi, involuti fil-qasam tas-servizzi professjonali, tekniċi u xjentifiċi fl-Ewropa.

2.12.

Mobilità akbar fis-swieq tax-xogħol nazzjonali, Ewropej u globali twassal għal użu aħjar tal-forza tax-xogħol, disponibbli fi ħdan qasam tal-inġinerija Ewropew attraenti. Bl-għażla ta’ reġim regolatorju tal-UE fakultattiv tad-29 reġim, jista’ jiġi faċilitat it-tixrid ta’ karta professjonali Ewropea li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ esperjenzi professjonali għall-inġiniera speċjalizzati f’diversi pajjiżi Ewropej.

2.13.

Sabiex jiżdied l-għarfien tal-istudenti potenzjali tal-inġinerija dwar il-professjoni ta’ inġinier, hija neċessarja kooperazzjoni kbira bejn l-industrija u d-dinja akkademika u bejn min iħaddem u l-iskejjel pubbliċi u privati, kemm fil-livell primarju kif ukoll sekondarju tar-riċerka u l-iżvilupp. Dan jinkludi l-applikazzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-promozzjoni ta’ taħriġ adegwat.

2.14.

Bl-involviment tal-imprendituri u bl-indirizzar ta’ problemi ġodda aktar kumplessi, jidher ċar għaż-żgħażagħ li l-matematika, it-teknoloġiji tal-informazzjoni, il-fiżika u l-kimika huma neċessarji sabiex jiġu solvuti problemi li s-soċjetà għandha tindirizza, u jirrappreżentaw l-imfietaħ għal soluzzjonijiet innovattivi ġodda, fil-mediċina, fil-kura tas-saħħa, kif ukoll fit-trasport, fit-tniġġis jew fl-iffrankar enerġetiku.

2.15.

Dan it-tip ta’ kooperazzjoni għandu jibda fuq livell lokali, iżda l-esperjenzi u l-aħjar prattiki għandhom jinxterdu fuq livell Ewropew. Dan jikkontribwixxi għal postijiet tax-xogħol ġodda u opportunitajiet ta’ karriera għall-inġiniera, u jista’ jgħin sabiex dawn is-suġġetti jsiru iktar vivaċi u rilevanti għall-ġenerazzjonijiet ġodda.

2.16.

Fl-istess ħin, filwaqt li jitqiesu l-progressi paralleli fil-bosta dixxiplini u fil-multidixxiplinarjetà tal-applikazzjonijiet prattiċi, għandha tiġi ggarantita l-kwalità u l-effiċjenza billi jiġu introdotti korsijiet edukattivi li jintegraw suġġetti oħra fit-tagħlim sekondarju u fl-università, bħall-psikoloġija soċjali u l-ġestjoni tar-riżorsi umani f’tim, l-istimolu tal-proċessi kreattivi, in-nanoteknoloġiji, l-inġinerija bijomedika, l-istorja tat-teknika, il-ġeografija ekonomika, eċċ.

2.17.

Proċess ta’ akkreditament tal-programmi edukattivi huwa wieħed mill-modi kif dawn il-professjonijiet jistgħu jiżguraw konformità mal-istandard. Il-proċess ta’ garanzija tal-kwalità jinkludi l-preparazzjoni ta’ standard ta’ referenza u ta’ valutazzjoni, f’konformità mal-qafas Ewropew u nazzjonali tal-kwalifiki professjonali.

2.18.

L-akkreditament estern u l-garanzija tal-kwalità interna huma żewġ proċessi importanti ħafna sabiex tinżamm il-kwalità tat-taħriġ fl-inġinerija.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Rwol determinanti tal-inġinier fl-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tal-UE

Il-KESE jqis fundamentali r-rwol determinanti tal-inġiniera u tat-tekniċi fit-twettiq konkret tal-istrateġija tar-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa, li tiżgura soluzzjonijiet vijabbli ta’ proċessi, prodotti u servizzi lean, clean, green għall-isfidi tal-iżvilupp sostenibbli u kompetittiv.

3.1.1.

Fl-istess ħin il-KESE jqis neċessarju qafas Ewropew determinanti għall-professjoni fit-termini ta’:

ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u l-professjonijiet;

il-mobilità interna u esterna fis-Suq Uniku u l-iżvilupp tal-intraprenditorija;

matriċi Ewropej konverġenti ta’ taħriġ permanenti u tagħlim kontinwu formali u informali bi programmi ta’ appoġġ;

tittieħed responsabbiltà u jingħataw assigurazzjonijiet ta’ responsabbiltà omoġenji fis-Suq Uniku;

kampanji li jżidu l-kapaċitajiet ta’ attrazzjoni ta’ korsijiet u karrieri u tar-rikonoxximenti professjonali flimkien ma’ ugwaljanza bejn is-sessi;

appoġġ għall-interdixxiplinarjetà u għall-ġestjoni f’netwerks ta’ problemi kumplessi;

flessibilità u żvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tal-ġenerazzjonijiet ġodda;

ġenerazzjoni C (Connected Generation (Ġenerazzjoni Konnessa));

politiki li jsaħħu r-rapidità tal-ġestjoni u l-komunikazzjoni anke fil-qasam intersettorjali u multidixxiplinarju, u b’hekk tiġi assigurata l-interoperattività bejn ix-xjenza, il-manifattura u l-industrija 4.0;

appoġġ tar-rwol tal-inġiniera u t-tekniċi u tal-organizzazzjonijiet soċjoprofessjonali tagħhom fl-użu tal-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni u fondi strutturali;

miżuri promozzjonali ta’ teħid tar-responsabbiltà u applikazzjoni ta’ kodiċi etiċi speċjalment f’kuntratti pubbliċi bir-reġim tad-direttivi l-ġodda (5) permezz ta’ netwerks ta’ impriżi u klusters kollaborattivi u bi speċifiċi ta’ akkwisti ekoloġiċi u għall-ħarsien u l-protezzjoni ambjentali;

qafas ta’ kooperazzjoni internazzjonali b’aċċess faċilitat għas-swieq tal-pajjiżi terzi;

tibdil leġislattiv maħsub li jiggarantixxi l-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali xieraq għall-żvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni.

3.2.   Rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki u professjonijiet, mobilità u intraprenditorija

3.2.1.

Il-KESE jqis li livelli għolja ta’ taħriġ u kwalifika fl-inġinerija jiffurmaw il-bażi meħtieġa għal sistema effikaċi ta’ rikonoxximent reċiproku: it-tnaqqis tal-istandards edukattivi sabiex tiżdied il-mobilità jirriskja li jnaqqas il-fiduċja reċiproka f’UE bbażata fuq it-tagħrif, li hija kapaċi tindirizza l-isfidi l-ġodda tal-inġinerija.

3.2.2.

Skont il-KESE, għandu jiġi żviluppat approċċ strutturat komuni – karta professjonali Ewropea (6) soġġetta għal konverġenza akbar tat-taħriġ, l-adozzjoni ta’ reġim regolatorju fakultattiv għal karta professjonali Ewropea volontarja, u qafas ta’ taħriġ komuni u sistemi ta’ validazzjoni formali u/jew il-kwalifiki informali miksuba.

3.2.3.

Il-KESE jirrakkomanda t-tnedija ta’ azzjonijiet konkreti għat-tnedija mill-ġdid tal-professjoni ta’ inġinier u tekniku, bħala attur prinċipali tat-traspożizzjoni rapida tar-riċerka, fl-applikazzjonijiet tas-suq u fis-soluzzjonijiet tal-problemi tas-soċjetà. B’mod partikolari, il-KESE jitlob tisħiħ speċifiku għall-inġiniera tal-inizjattiva Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ (EYE) u tal-mekkaniżmi ta’ mikrokreditu, kif ukoll it-tnedija ta’ Premju tal-UE għall-inġiniera kreattivi, sabiex joffru lill-professjoni l-opportunità li tikseb aktar viżibbiltà u sabiex jitħeġġu l-ħolqien ta’ ideat u proġetti fl-inġinerija ta’ livell ta’ eċċellenza.

3.3.   Taħriġ u tagħlim kontinwu formali u informali

3.3.1.

Meta wieħed iqis il-ħeffa tal-progress teknoloġiku, il-KESE huwa tal-fehma li huwa importanti l-appoġġ Ewropew tal-iżvilupp ta’ moduli ta’ taħriġ fi sħubija mal-industrija, għall-kisba ta’ livelli għolja ta’ kompetenzi speċifiċi u l-iżvilupp ta’ tagħlim kollaborattiv u ta’ proġetti ta’ proċess ta’ tagħlim (learning by doing) għal komunikazzjoni interpersonali u moduli onlajn fit-teknoloġija diġitali, netwerks tal-komunikazzjoni sabiex tinkiseb u tiġi valutata l-informazzjoni.

3.3.2.

Għandu jiġi żviluppat – bl-appoġġ regolamentari tal-UE – standard globali ta’ validazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ tmexxija u teħid ta’ riskji miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali (7).

3.3.3.

L-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda: “ConGen” jeħtieġ il-preparazzjoni tal-istrutturi produttivi, organizzazzjonali, komunikattivi u ta’ kontroll.

3.4.   L-immaġni u l-futur tal-inġinier fir-reindustrijalizzazzjoni tal-UE

3.4.1.

Il-KESE jqis li r-rwol ewlieni li għandhom l-inġiniera u l-professjonijiet tekniċi sabiex jindirizzaw il-problemi tas-soċjetà Ewropea mill-isfidi tar-reindustrijalizzazzjoni għandu jkun enfasizzat u żviluppat aktar, u jitlob li jitnieda eżerċizzju ta’ previżjoni parteċipattiv bl-involviment tal-atturi tal-iżvilupp, l-amministrazzjonijiet, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u l-partijiet interessati, li jindika u jiżviluppa l-profili futuri mitluba mill-professjoni, f’termini ta’ soluzzjoni tal-problemi, rapidità ta’ akkwist u traspożizzjoni applikattiva ta’ teknoloġiji ġodda.

3.4.2.

F’dan ir-rigward, għandha tingħata importanza speċifika għall-fatt li l-inġiniera jħarsu lejn dan il-proċess ta’ reindustrijalizzazzjoni f’termini ta’ sostenibbilità ekonomika, soċjali u ambjentali, għal tranżizzjoni gradwali għal ekonomija ċirkolari “li jinkludi re-manufacturingre-consuming”  (8).

3.5.   Ir-rwol tal-inġiniera u t-tekniċi fl-użu tal-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni u fondi strutturali

3.5.1.

Il-KESE jqis li l-inġiniera u t-tekniċi Ewropej jirrappreżentaw riżorsa fundamentali fil-proċess ta’ reindustrijalizzazzjoni bħala fattur ta’ aċċelerazzjoni tal-bidla tar-riċerki f’applikazzjonijiet innovattivi tas-suq u soluzzjonijiet tal-problemi kumplessi ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija soċjali tas-suq, sostenibbli, b’saħħtu u kompetittiv, u li din ir-riżorsa għandu jkollha aċċess u appoġġ għal soluzzjonijiet innovattivi li jippremjaw il-kwalità u mhux biss l-ekonomiċità, u jħeġġu kull tip ta’ kollaborazzjoni konġunta f’netwerks u fi klusters, permezz ta’ politiki u programmi tal-UE minn:

azzjonijiet strateġiċi tal-Aġenda Diġitali

H2020, speċjalment permezz ta’ teknoloġiji abilitanti essenzjali

COSME u FEI

fondi strutturali u ta’ koeżjoni.

4.   Kummenti finali

4.1.

L-UE trid tindirizza sfidi importanti li jirrappreżentaw l-istess diffikultajiet għall-inġinier Ewropew:

prospettivi ta’ tixjiħ tal-popolazzjoni

diġitalizzazzjoni mifruxa u invażiva

żieda fin-nuqqas ta’ riżorsi f’kuntest ambjentali u tal-klima dejjem aktar kritiku

globalizzazzjoni ġeopolitika u finanzjarja b’ċaqliq tal-punt fokali barra l-Ewropa

konverġenza tat-teknoloġiji, b’mod partikolari nanobijoteknoloġiji ICT u sistemi 3D

problemi kumplessi ta’ ġestjoni integrata, speċjalment tal-megabliet

Internet tal-oġġetti u tas-servizzi u netwerks intelliġenti li qed jikbru b’mod esponenzjali u l-iżvilupp tal-industrija 4.0

żvilupp awtonomu enormi tal-fenomenu ta’ intelliġenza kollettiva fil-ħin reali (Social Brain) għall-ġenerazzjonijiet ConGen.

4.2.

Skont il-KESE, il-ġenerazzjoni ġdida ConGen ta’ inġiniera għandha tikseb livelli ogħla ta’ kwalifiki u kompetenza formali u informali, minħabba li l-livelli aktar sempliċi ta’ soluzzjoni tal-problemi se jitħallew f’idejn sistemi diġitali awtonomi u jiġu żviluppati kapaċitajitet interdixxiplinarji u flessibilità għall-ġestjoni ta’ problemi kumplessi.

4.3.

L-organizzazzjonijiet fejn l-inġinier joffri xogħlu għandhom jiżviluppaw, abbażi tal-qafas Ewropew tal-kwalifiki professjonali, moduli ta’ taħriġ diġitali u sistemi b’modalitajiet ta’ governanza adattati għall-karatteristiċi tal-inġiniera l-ġodda, li jsaħħu l-qsim tal-valuri u tal-missjonijiet professjonali, li jiffavorixxu ambjenti u karrieri attraenti.

4.4.

Skont il-KESE, l-organizzazzjonijiet ta’ rappreżentanza u l-korpi professjonali tal-inġiniera għandhom isibu oqsma ikbar ta’ konverġenza, f’termini Ewropej, sabiex ikunu jistgħu jwettqu rwol aktar determinanti kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE, fil-ħolqien ta’ Suq uniku tal-inġiniera Ewropew.

4.5.

Il-KESE jirrakkomanda li jitwettaq segwitu konkret għat-twaqqif tal-Forum Ewropew tal-Professjonijiet Liberi, li fi ħdanu l-inġiniera jsibu rappreżentanza għolja, assoċjazzjonijiet, korpi u kulleġġi professjonali (9) tal-inġiniera indipendenti u tal-SMEs fil-qasam tal-inġinerija u li jinħoloq Portal tal-Inġiniera Ewropew li fl-ambjent interattiv tiegħu jistgħu jiġu indirizzati problemi importanti bħal: il-ġestjoni tar-responsabbiltajiet, il-ħarsien tal-proprjetà intellettwali, ir-reġimi fiskali u s-sistemi tal-pensjonijiet.

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ara “Karta professjonali Ewropea tal-inġiniera” tas-Sinjura Feani.

(2)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 10.

(3)  Ara r-Riżoluzzjoni tal-PE tal-15 ta’ Jannar 2014.

(4)  Sors: Eurostat.

(5)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65, p. 243, p. 1.

(6)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132.

(7)  European Institute for Industrial Leadership (Position Paper P20-2015).

(8)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 91.

(9)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 10.


24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “in-nanoteknoloġija għal industrija tal-kimika kompetittiva”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 071/05)

Relatur:

is-Sur Egbert BIERMANN

Korelatur:

is-Sur Tautvydas MISIŪNAS

Nhar it-28 ta’ Mejju 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“In-nanoteknoloġija għal industrija tal-kimika kompetittiva”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tad-9 ta’ Diċembru 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’115-il vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-attivitajiet relatati mat-tfassil ta’ politika industrijali Ewropea, b’mod partikolari biex jiġu promossi teknoloġiji ewlenin li jsaħħu l-kompetittività tagħna. Jekk l-Ewropa titkellem b’vuċi waħda fil-livell internazzjonali ssaħħaħ ir-rwol tagħha fid-djalogu globali. Is-saħħa innovattiva tan-nanomaterjali u n-nanoteknoloġija, speċjalment fl-industrija tal-kimika, tagħti kontribut importanti.

1.2.

Inizjattiva għall-promozzjoni tan-nanoteknoloġija tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri ta’ politika industrijali komuni Ewropea. Ir-riċerka u l-iżvilupp tant huma kumplessi li ma jistgħux jitwettqu biss minn intrapriżi jew istituzzjonijiet individwali. Għalhekk jeħteġ li ssir kooperazzjoni transkonfinali bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet xjentifiċi, l-intrapriżi u l-inkubaturi tan-negozji. Approċċ pożittiv huwa dak taċ-ċentri tar-riċerka, bħalma ġew stabbiliti, fost affarijiet oħra, fis-settur tal-kimika u tal-farmaċewtika. Għandha tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-SMEs.

1.3.

Fir-rigward tan-nanoteknoloġija, ir-raggruppamenti ta’ eċċellenza Ewropej (nanoclusters) għandhom ikomplu jiġu żviluppati. Għandu jkun hemm netwerking bejn l-atturi ewlenin mill-qasam tal-intrapriża, ix-xjenza, il-politika u s-soċjetà sabiex jiġu promossi t-trasferiment tat-teknoloġija, il-kooperazzjoni diġitali u personali, valutazzjoni mtejba tar-riskju, u analiżi speċifika taċ-ċiklu tal-ħajja jew tas-sigurtà tan-nanoprodotti.

L-istrumenti finanzjarji fil-programm qafas ta’ riċerka Orizzont 2020 fil-qasam tan-nanoteknoloġija għandhom jitfasslu b’mod sempliċi u flessibbli, b’mod partikolari għall-SMEs. Il-finanzjament pubbliku għandu jissaħħaħ u għandu jitħeġġeġ il-provvediment ta’ finanzjament privat.

1.4.

Sabiex in-nanoteknoloġija multidixxiplinari tiġi ankrata aħjar fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, għandhom jiġu involuti xjenzati u tekniċi kkwalifikati f’dixxiplini bħall-kimika, il-bijoloġija, l-inġinerija, il-mediċina u x-xjenzi soċjali. L-intrapriżi għandhom jissodisfaw jirreaġixxu ir-rekwiżiti ta’ ħiliet li dejjem jiżdiedu tal-impjegati tagħhom permezz ta’ miżuri ta’ taħriġ inizjali u taħriġ mill-ġdid immirati. L-impjegati, bl-esperjenzi u l-ħiliet tagħhom, għandhom jiġu inklużi.

1.5.

Il-proċess ta’ standardizzazzjoni tal-UE għandu jibqa’ jiġi promoss. L-istandards jaqdu rwol ewlieni fil-konformità mal-liġijiet, b’mod partikolari jekk tkun meħtieġa valutazzjoni tar-riskju għas-sigurtà tal-impjegati. Għaldaqstant, għandhom jiġu żviluppati għodod għall-materjali ta’ referenza ċertifikati biex jiġu ttestjati l-metodi li bihom jitkejlu l-karatteristiċi tan-nanomaterjali.

1.6.

Il-konsumaturi għandhom jiġu informati bis-sħiħ dwar in-nanomaterjali. Il-promozzjoni soċjali tal-aċċettazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji ewlenin hija essenzjali. Għandu jkun hemm djalogu regolari bejn il-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet ambjentali, l-industrija u l-politika. Għaldaqstant għandhom jiġu żviluppati pjattaformi ta’ informazzjoni pan-Ewropej u strumenti għall-aċċettazzjoni.

1.7.

Il-KESE jistenna li l-Kummissjoni Ewropea twaqqaf osservatorju għan-nanomaterjali, li għandu jirreġistra u jevalwa l-proċessi tal-iżvilupp u l-applikazzjonijiet, ir-riċiklaġġ u r-rimi tagħhom. Dan għandu josserva wkoll l-impatt fuq l-impjieg u s-suq tax-xogħol u għandu jevalwa u jiddeskrivi l-konklużjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali ewlenin li għandhom jitfasslu. Qabel l-2020 għandu jitressaq ir-Rapport attwali dwar in-nanomaterjali u n-nanoteknoloġija fl-Ewropa li jidentifika l-linji ta’ żvilupp possibbli sal-2030.

2.   In-nanoteknoloġija f’Ewropa innovattiva

2.1.

Fis-snin reċenti kien u għad hemm diversi inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea biex jippromovu l-innovazzjoni u teknoloġiji ewlenin bil-għan li tiżdied il-kompetittività. L-eżempji jinkludu l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar “Strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE” (2009, 2012) u l-Komunikazzjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-2014. In-nanoteknoloġija ngħatat attenzjoni partikolari f’diversi Opinjonijiet tal-KESE (1).

2.2.

Bl-adozzjoni tal-Pjan Juncker tal-2014, il-politika industrijali tal-UE ngħatat sinifikat speċjali, u magħha anki l-promozzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi. It-teknoloġiji favoriti stabbiliti fil-pjan jixhdu li politika industrijali Ewropea kompetittiva trid tiffoka b’mod strateġiku fuq teknoloġiji u materjali orjentati lejn il-futur. Dan japplika b’mod partikolari għall-qasam kimiku u farmaċewtiku.

2.3.

Il-qasam kimiku u farmaċewtiku Ewropew jistimola l-innovazzjoni f’setturi oħrajn. In-nanoteknoloġija għandha rwol ewlieni fl-iżvilupp ta’ prodotti ġodda. Dan mhux biss iżid il-kompetittività ta’ dan is-settur iżda jikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp sostenibbli tal-industrija.

2.4.

In-nanomaterjali diġà jinsabu f’ħafna prodotti li jintużaw fil-ħajja ta’ kuljum (pereżempju ħwejjeġ sportivi, kożmetiċi, kisjiet). Barra minn hekk jiftħu għadd ta’ possibbiltajiet ta’ innovazzjoni għal prodotti u proċessi ġodda (pereżempju t-teknoloġija tal-enerġija u l-ambjent, it-teknoloġija medika, l-ottika, l-iżvilupp u l-manifattura ta’ ċipep, il-protezzjoni teknika tad-data, l-industrija tal-kostruzzjoni kif ukoll prodotti relatati mal-konsumatur bħall-verniċ u ż-żebgħa, il-mediċini u t-teknoloġija medika).

2.5.

Minħabba d-daqs żgħir tagħhom, in-nanomaterjali jista’ jkollhom proprjetajiet ottiċi, manjetiċi, mekkaniċi, kimiċi jew bijoloġiċi ġodda. Dan jippermetti l-iżvilupp ta’ prodotti innovattivi, li jinkorporaw funzjonalitajiet ġodda u karatteristiċi speċjali.

2.6.

Skont rakkomandazzjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea, in-nanomaterjali huma materjali li l-kostitwenti ewlenin tagħhom ikollhom dimensjoni ta’ bejn biljuneżmu wieħed u 100 biljuneżmu ta’ metru. Din id-definizzjoni hija pass importanti ‘l quddiem peress li tiddeskrivi b’mod ċar liema materjali għandhom jiġu kkunsidrati nano u tippermetti li tintgħażel l-aktar metodoloġija xierqa ta’ ttestjar (2).

2.7.

In-nanoteknoloġija toffri potenzjal kbir għat-tkabbir. Għall-perjodu 2006-2021 l-esperti qegħdin ibassru żieda minn USD 8 biljun għal USD 119-il biljun fis-sena (3).

3.   In-nanoteknoloġija fl-industrija tal-kimika u tal-mediċini  (4)

3.1.

Il-firxa tan-nanoteknoloġija użata fl-industrija tal-kimika hija enormi. Ta’ min jinnota li ħafna minn dak li huwa inkluż taħt “nano” illum il-ġurnata mhuwa xejn ġdid, għalkemm it-terminu “nanoteknoloġija” jinstema’ ġdid. It-twieqi tal-knejjes medjevali bil-ħġieġ ikkulurit, pereżempju, jinkludu nanopartiċelli tad-deheb. Dak li fil-verità huwa ġdid fir-rigward tan-nanoteknoloġija kif nifhmuha llum huwa l-fatt li issa nafu aħjar kif taħdem.

3.2.

Il-mediċina toffri ħafna oqsma ta’ applikazzjoni għan-nanoteknoloġija. Ix-xewqa li sustanzi attivi jkunu ttrasportati lejn iċ-ċelluli morda b’mod immirat hija antika daqs il-produzzjoni tal-mediċini u toriġina mill-fatt li ħafna sustanzi attivi għandhom effetti sekondarji qawwijin. Dawn l-effetti sekondarji huma ta’ spiss ikkawżati minn sustanzi attivi li huma ddistribwiti madwar il-ġisem b’mod mhux speċifiku. L-iżvilupp tas-sistemi ta’ twassil tal-mediċina fuq skala nanometrika jagħmilha possibbli li s-sustanzi attivi jiġu kkonċentrati fiċ-ċelluli morda u b’hekk jitnaqqsu l-effetti sekondarji.

3.3.

Jeżistu żviluppi tan-nanoteknoloġija speċifiċi fil-qasam tax-xjenzi tal-ħajja, pereżempju “biochips” għal testijiet li jippermettu d-dijanjożi u t-trattament minn kmieni ta’ mard bħall-Alzheimer, il-kanċer, l-isklerożi multipla jew l-artrite rewmatika (5). Aġenti ta’ kuntrast ibbażati fuq in-nanopartikoli jorbtu b’mod selettiv liċ-ċelloli morda, li jwassal għal dijanjostika aħjar u sostanzjalment iktar rapida. In-nanogels iħaffu r-riġenerazzjoni tal-qarquċa. In-nanopartiċelli li jistgħu jaqsmu l-barriera ematoenċefalika jistgħu jgħinu, pereżempju, fit-trattament immirat ta’ tumuri fil-moħħ (6).

3.4.

Fil-membrani tal-plastik, pori żgħar ta’ madwar 20 nanometru jiżguraw li l-mikrobi, il-batterji u l-viruses jistgħu jiġu ffiltrati mill-ilma. L-hekk imsejħa “ultrafiltrazzjoni” tintuża fil-purifikazzjoni kemm tal-ilma tax-xorb kif ukoll tal-ilma tal-ipproċessar, jiġifieri ilma minn proċessi tal-produzzjoni industrijali.

3.5.

Fil-futur qarib, in-nanoteknoloġija se żżid b’mod sinifikanti l-effiċjenza taċ-ċelloli solari. Il-produzzjoni tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jistgħu jiżdiedu b’mod konsiderevoli permezz ta’ kisjiet ġodda tal-uċuħ.

3.6.

Kemm jekk bħala addittiv fil-plastiks, fil-metalli jew materjali oħrajn, l-hekk imsejħin nanotubi, in-nanotubi tal-karbonju jew il-graphene jistgħu jipprovdu lill-materjali b’karatteristiċi ġodda. Pereżempju, dawn itejbu l-konduttività elettrika, iżidu s-saħħa mekkanika jew jgħinu sabiex ikun hemm kostruzzjonijiet ta’ piż ħafif.

3.7.

L-użu tat-turbini tar-riħ ukoll jista’ jsir iktar effiċjenti bl-użu tan-nanoteknoloġija. It-turbini tar-riħ ikunu eħfef meta jkunu magħmulin b’materjali tal-bini moderni, li jwassal għal inqas spejjeż, iżda wkoll għal ġenerazzjoni tal-enerġija u kostruzzjoni mtejba.

3.8.

Madwar 20 % tal-enerġija kkonsmata globalment tintuża għad-dawl. Peress li n-nanoteknoloġija tipprevedi bozoz effiċjenti li jużaw ammont baxx ħafna ta’ enerġija elettrika, dan l-ammont ser jonqos b’aktar minn terz. Huwa permezz tal-batteriji tal-litju, li l-eżistenza tagħhom hija dovuta għan-nanoteknoloġija, li l-karozzi elettriċi huma ekonomiċi tassew.

3.9.

Il-konkrit huwa wieħed mill-aktar materjali mifruxa fil-kostruzzjoni. Permezz ta’ kristalli tal-kalċju bbażati fuq in-nanoteknoloġija, il-partijiet lesti tal-konkrit jistgħu jkunu manifatturati malajr ħafna u bi standard ogħla filwaqt li tintuża inqas enerġija.

3.10.

L-industrija tal-karozzi diġà qiegħda taħdem b’kisjiet tan-nano, kollha bil-karatteristiċi partikolari tagħhom. Dan japplika wkoll għal modi oħra tat-trasport, pereżempju l-ajruplani u l-vapuri.

4.   In-nanoteknoloġija bħala komponent ekonomiku

4.1.

Il-fatturi tal-kompetittività fis-suq globali l-ħin kollu jinbidlu. Xi affarijiet ikunu ppjanata, iżda wħud iseħħu b’mod mhux mistenni. Għandhom jitfasslu programmi politiċi biex jistabilizzaw l-iżviluppi. Huwa f’dan id-dawl li kienet tfasslet l-Istrateġija Ewropa 2020 fl-2010. L-għan tagħha huwa t-tkabbir sostenibbli u inklużiv b’koordinazzjoni msaħħa tal-miżuri trans-Ewropej. Hekk għandha tintrebaħ il-battalja għall-innovazzjoni, battalja li taħraq ferm. Din tinvolvi r-riċerka u l-iżvilupp, l-iżgurar tal-privattivi kif ukoll il-postijiet ta’ produzzjoni u l-impjiegi.

4.2.

L-industrija tal-kimika hija wieħed mill-iktar setturi ta’ suċċess fl-UE, bi dħul mill-bejgħ ta’ EUR 527 biljun fl-2013, li jagħmilha t-tieni l-ikbar produttur. Iżda minkejja din il-qawwa, is-sitwazzjoni attwali tidher li hija sors ta’ tħassib. Wara treġġigħ lura rapidu tat-tendenza minħabba l-kundizzjonijiet tas-suq, il-produzzjoni staġnat sa mill-bidu tal-2011. Fuq perjodu ta’ żmien itwal, is-sehem tal-UE fil-produzzjoni globali u l-esportazzjonijiet naqas (7).

4.3.

Fl-2012 l-industrija tal-kimika Ewropea investiet madwar EUR 9 biljun fir-riċerka. Din in-nefqa staġnat f’dan il-punt sa mill-2010. Mill-banda l-oħra, ir-riċerka u l-iżvilupp tan-nanoteknoloġija jgawdu minn pożizzjoni li qiegħda tiżdied fl-importanza pereżempju fl-Istati Uniti u ċ-Ċina, iżda wkoll fil-Ġappun u l-Arabja Sawdija, b’tali mod li hawnhekk il-kompetizzjoni se tkompli tintensifika.

5.   In-nanoteknoloġija bħala komponent ambjentali

5.1.

Ekonomija ambjentalment sostenibbli hija fattur kompettitiv ewlieni fil-politika industrijali Ewropea kemm fis-suq intern kif ukoll f’dak dinji.

5.2.

In-nanomaterjali jipprovdu kemm prodotti preliminari, intermedji kif ukoll finali, u bid-diversi karatteristiċi tal-materjal tagħhom jgħinu sabiex iżidu l-effiċjenza fil-konverżjoni tal-enerġija u biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija. In-nanoteknoloġija toffri l-possibbiltà li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2  (8). Għaldaqstant, tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

5.3.

L-Istat Federali Ġermaniż ta’ Hesse ppubblika studju li jenfasizza l-potenzjal ta’ innovazzjoni tan-nanoteknoloġija għall-protezzjoni ambjentali (9), pereżempju għat-trattament u l-purifikazzjoni tal-ilma, il-prevenzjoni tal-iskart, l-effiċjenza tal-enerġija u l-purifikazzjoni tal-arja. Dan ikun ifisser livelli ta’ ordnijiet aħjar, partikolarment għall-SMEs. L-industrija tal-kimika Ewropea qiegħda twettaq riċerka u tiżviluppa l-bażi għal dan u prodotti primarji u finali korrispondenti.

5.4.

L-element ambjentali bħala parti mill-kunċett tas-sostenibbiltà għandu jiġi integrat fl-istrateġiji tal-intrapriżi, inklużi tal-SMEs. L-impjegati huma involuti b’mod attiv f’dawn il-proċessi.

5.5.

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni huwa komponent essenzjali tal-politika dwar l-ambjentu l-politika tas-saħħa attwali fl-Ewropa. Il-piżijiet jew il-perikli għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem għandhom jiġu mminimizzati minn qabel. Madankollu, huwa neċessarju li tkun ippreservata l-proporzjonalità tal-ispejjeż, il-benefiċċji u l-isforz fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ prekawzjoni, partikolarment għall-protezzjoni tal-SMEs.

6.   In-nanoteknoloġija bħala komponent tal-impjieg/soċjali

6.1.

Il-potenzjal tan-nanoteknoloġija biex toħloq l-impjiegi madwar id-dinja huwa għoli ħafna. In-numru ta’ impjiegi relatati man-nanoteknoloġija fl-UE diġà huwa stmat għal bejn 300 000 u 400 000 (10).

6.2.

Iżda apparti dan it-tkabbir huwa importanti wkoll li jiġu kkunsidrati r-riskji tat-telf ta’ impjiegi, ir-rilokazzjoni tal-produzzjoni jew il-bidla fil-firxa tal-ħiliet.

6.3.

L-għadd ta’ impjiegi huwa ħaġa waħda, il-kwalità ta’ dawn l-impjiegi hija ħaġa oħra. L-impjiegi maħluqa f’oqsma relatati man-nanoteknoloġija ta’ diversi intrapriżi, mhux biss fl-industrija tal-kimika, normalment huma impjiegi mħallsin tajjeb għal ħaddiema kkwalifikati (11).

6.4.

Fl-intrapriżi dan iwassal għal bżonn kbir ta’ taħriġ u taħriġ ulterjuri. Jirriżultaw forom ġodda ta’ kooperazzjoni. Is-sħubija soċjali nfisha ssir fattur ta’ innovazzjoni fis-sens li huwa meħtieġ djalogu kontinwu, pereżempju dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol, il-ħarsien tas-saħħa u t-taħriġ. Anki hawnhekk qegħdin jiġu żviluppati standards ġodda. Fl-industrija tal-kimika Ġermaniża jeżistu ftehimiet bejn l-imsieħba soċjali li huma estensivi ħafna (12).

7.   Opportunitajiet u riskji assoċjati man-nanoteknoloġija

7.1.

Il-Kummissjoni Ewropea diġà qiegħda tonfoq bejn EUR 20 u 30 miljun fis-sena fuq ir-riċerka dwar in-nanosigurtà. Ma’ dawn iridu jiżdiedu madwar EUR 70 miljun mill-Istati Membri kull sena (13). Dan huwa qafas adegwat u suffiċjenti.

7.2.

Għandu jkun ikkoordinat programm komprensiv ta’ riċerka pubblika u privata fuq terminu twil fuq livell Ewropew bil-għan li jiġi estiż l-għarfien dwar in-nanomaterjali, il-karatteristiċi tagħhom u l-opportunitajiet potenzjali u r-riskji għall-impjegati u s-saħħa tal-konsumaturi u l-ambjent.

7.3.

Ħafna kumpaniji kimiċi adottaw miżuri differenti fil-kuntest tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom sabiex jimplimentaw b’mod responsabbli protezzjoni tax-xogħol sostenibbli u sikurezza sostenibbli tal-prodotti. Dan isir f’ħafna każijiet taħt l-inizjattiva “Responsible Care” tal-industrija tal-kimika stabbilita madwar id-dinja (14). Jeżistu wkoll inizjattivi simili f’setturi oħrajn.

7.4.

Il-ġestjoni tal-prodott tapplika mir-riċerka sal-fażi tar-rimi. Diġà fil-fażi tal-iżvilupp, l-intrapriżi jeżaminaw jekk il-prodotti ġodda tagħhom jistgħux jiġu prodotti u użati b’mod sigur. L-istħarriġ għandu jiġi konkluż sal-fażi tat-tqegħid fis-suq u għandhom jitfasslu linji gwida dwar l-użu sigur. Barra minn hekk, l-intrapriżi għandhom jispeċifikaw kif il-prodotti għandhom jintremew.

7.5.

Fid-dikjarazzjonijiet tagħha rigward is-sigurtà tan-nanomaterjali, il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li studji xjentifiċi wrew li n-nanomaterjali jikkwalifikaw bħala “sustanzi kimiċi normali” (15). L-għarfien dwar il-proprjetajiet tan-nanomaterjali qiegħed jiżdied kontinwament. Il-metodi eżistenti għall-valutazzjoni tar-riskju jistgħu jintużaw.

7.6.

Il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li r-REACH (16) huwa l-aqwa qafas għall-ġestjoni tar-riskji assoċjati man-nanomaterjali. Ċerti kjarifki u dettalji addizzjonali huma meħtieġa fl-annessi tar-Regolament REACH u d-dokumenti ta’ gwida tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi – iżda mhux fit-test ewlieni tar-Regolament (17).

7.7.

Fl-industrija tal-farmaċewtika, il-prassi tajba ta’ manifattura (PTM) taqdi rwol ċentrali fl-ipproċessar tan-nanomaterjali. Dan jinkludi l-linji gwida dwar il-garanzija tal-kwalità fil-proċessi tal-produzzjoni tal-mediċini u s-sustanzi attivi.

7.8.

Naturalment, il-konsumaturi għandhom jiġu informati. Id-djalogi dwar in-nanoteknoloġija li jsiru bejn il-intrapriżi kimiċi l-kbar huma eżempji pożittivi ta’ dan (18). Dawn id-djalogi għandhom l-għan li jipprovdu informazzjoni, jippromovu l-aċċettazzjoni u jidentifikaw il-perikli. Sabiex jittejjeb l-aċċess għall-informazzoni dwar in-nanomaterjali, il-Kummissjoni Ewropea nediet pjattaforma web fl-aħħar tal-2013 (19). Din tinkludi referenzi għas-sorsi disponibbli ta’ informazzjoni, inklużi r-reġistri nazzjonali u settorjali.

8.   Fatturi ta’ kompetittività/Impetu għan-nanoteknoloġija fl-Ewropa

8.1.

Ambjent pożittiv għar-riċerka u l-innovazzjoni huwa fattur essenzjali għall-kompetittività. Dan japplika għall-innovazzjoni fi prodotti u proċessi kif ukoll għall-innovazzjoni soċjali. L-importanza kruċjali tan-nanoteknoloġija għandha tkun riflessa u appoġġata iktar kemm fil-prijoritajiet tal-UE kif ukoll fil-programmi ta’ riċerka u finanzjament reġjonali tagħha.

8.2.

Ir-riċerka u l-iżvilupp għandu jkollhom rwol ewlieni fl-UE. F’dan ir-rigward huwa importanti li jkun hemm netwerking pan-Ewropew, kooperazzjoni u raggruppamenti bejn in-negozji l-ġodda, l-intrapriżi stabbiliti, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka li jiffukaw fuq ir-riċerka fundamentali u applikata. Illum il-ġurnata, dan huwa l-mod kif jiġi ġenerat potenzjal ta’ innovazzjoni effettiv. Qed jiġu stabbiliti ċentri li jgħaqqdu lill-kumpaniji f’postijiet ġeografiċi ewlenin sabiex tiġi ottimizzata l-kooperazzjoni.

8.3.

It-taħriġ inizjali u dak ulterjuri huma fattur ewlieni fi proċessi b’innovazzjoni għolja bħalma hija n-nanoteknoloġija. Taħlita ta’ ħaddiema tas-sengħa u gradwati tipproduċi l-effetti ta’ innovazzjoni l-iktar b’saħħithom, bl-iskambju tal-għarfien bejn ħaddiema b’tipi differenti ta’ kwalifiki appoġġati minn miżuri komplementari relatati mal-organizzazzjoni u politika tar-riżorsi umani bħall-ħidma f’tim, ir-rotazzjoni tax-xogħol u d-delega għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-kompetizzjoni globali għall-innovazzjoni twassal ukoll għal kompetizzjoni għal ħaddiema kkwalifikati. Dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet interessati fl-industrija għandhom jiżviluppaw inċentivi adatti.

8.4.

Iktar flessibbiltà fir-rigward tal-orjentament tar-riċerka u inqas regolamenti u rekwiżiti burokratiċi jiżguraw il-kompetittività. Il-mediċini, it-teknoloġija medika, il-kisjiet tal-uċuħ u t-teknoloġija ambjentali huma ta’ importanza kbira għas-swieq tal-esportazzjoni u intern tal-Ewropa. B’mod partikolari, is-suq intern biċ-ċentri reġjonali tiegħu jiftaħ firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet f’dan il-qasam għall-SMEs.

8.5.

L-ispiża tax-xogħol m’għandhiex tiġi kkunsidrata biss bħala spiża inċidentali tas-salarji. Fil-valutazzjoni għandhom jiġu inklużi wkoll l-ispejjeż amministrattivi (pereżempju l-attivitajiet ta’ monitoraġġ, il-garanzija tal-kwalità).

8.6.

L-ispejjeż tal-enerġija huma fattur rilevanti għall-kompetizzjoni fl-industrija tal-kimika li tagħmel użu intensiv mill-enerġija. Prezzijiet tal-enerġija kompetittivi u provvista stabbli tal-enerġija fl-UE huma prekundizzjoni għall-kompetittività, partikolarment għall-SMEs.

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “It-tessuti tekniċi: mutur tat-tkabbir” “ (ĠU C 198, 10.7.2013, p. 14), Opinjoni tal-KESE dwar “Strateġija għall-komponenti u s-sistemi mikro u nanoelettroniċi.” (ĠU C 67, 6.3.2014, p. 175)

(2)  Il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, 18 ta’ Ottubru 2011. Nanometru wieħed huwa ekwivalenti għal biljuneżmu ta’ metru. Dan huwa twil biżżejjed biex joqogħdu minn ħames sa għaxar atomi. Ir-relazzjoni bejn nanometru u metru hija ekwivalenti għal dik bejn ballun tal-futbol u d-dinja. It-terminu nanoteknoloġija jirreferi għall-kejl, l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-applikazzjoni mmirati u kkontrollati tan-nanomaterjali li l-istrutturi, il-partikoli, il-fibri jew il-pjastrini tagħhom huma iżgħar minn 100 nanometru.

(3)  Sors: www.vfa.de/…/nanobiotechnologie-nanomedizin-positionspapier.pdf.

(4)  Fit-test segwenti, it-terminu “industrija tal-kimika” jista’ jinftiehem li jinkludi wkoll l-industrija farmaċewtika.

(5)  Sors: www.vfa.de/…/nanobiotechnologie-nanomedizin-positionspapier.pdf.

(6)  Sors: www.vfa.de/…/nanobiotechnologie-nanomedizin-positionspapier.pdf.

(7)  Oxford Economics Report, Evolution of competitiveness in the European chemical industry: historical trends and future prospects (L-evoluzzjoni tal-kompetittività fl-industrija tal-kimika Ewropea: tendenzi storiċi u prospetti futuri), Ottubru 2014.

(8)  Għaldaqstant, il-Fraunhofer-Institut für Windenergie und Energiesystemtechnik fil-Ġermanja u l-ENEA fl-Italja żviluppaw teknoloġija għall-ħżin tas-CO2bħala gass metan. Sors: Fraunhofer-Institut für Windenergie und Energiesystemtechnik, 2012.

(9)  Sors: Ministeru ta’ Hesse għall-Affarijiet Ekonomiċi u t-Trasport, Einsatz von Nanotechnologie in der hessischen Umwelttechnologie (L-użu tan-nanoteknoloġija fit-teknoloġija ambjentali f’Hesse), 2009.

(10)  Otto Linher, Kummissjoni Ewropea, Grimm et al: Nanotechnologie: Innovationsmotor für den Standort Deutschland (In-nanoteknoloġija: il-mutur tal-innovazzjoni għall-Ġermanja), Baden-Baden, 2011.

(11)  IG BCE/VCI: Zum verantwortungsvollen Umgang mit Nanomaterialien (Proċessar responsabbli tan-nanomaterjali). Dokument ta’ pożizzjoni, 2011.

(12)  IG BCE: Nanomaterialien – Herausforderungen für den Arbeits- und Gesundheitsschutz (Nanomaterjali – Sfidi għall-ħarsien tax-xogħol u tas-saħħa).

(13)  Otto Linher, Kummissjoni Ewropea.

(14)  http://www.icca-chem.org/en/Home/Responsible-care/.

(15)  Dokument ta’ riflessjoni għal-Linji Gwida tad-WHO dwar il-Protezzjoni tal-Ħaddiema minn Riskji Potenzjali tan-Nanomaterjali Manifatturati (Guidelines on Protecting Workers from Potential Risks of Manufactured Nanomaterials).

(16)  REACH hija d-Direttiva qafas Ewropea għar-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi. http://echa.europa.eu/web/guest.

(17)  Sors: Sector Social Dialogue, Committee of the European Chemical Industry (Djalogu Soċjali Settorjali, Kumitat tal-Industrija tal-Kimika Ewropea).

(18)  http://www.cefic.org/Documents/PolicyCentre/Nanomaterials/Industry-messages-on-nanotechnologies-and-nanomaterials-2014.pdf.

(19)  https://ihcp.jrc.ec.europa.eu/our_databases/web-platform-on-nanomaterials.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

il-512 Sessjoni Plenarja tal-KESE fl-9 u l-10 ta' Diċembru 2015

24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2014”

[COM(2015) 247 final]

(2016/C 071/06)

Relatur:

is-Sinjura Reine-Claude MADER

Nhar is-6 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2014”

[COM(2015) 247 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tad-9 ta’ Diċembru 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’128 vot favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE japprezza b’mod pożittiv id-diversi inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni biex tippromovi kompetizzjoni ġusta li tissalvagwardja l-interessi tal-operaturi ekonomiċi (in-negozji, il-konsumaturi, il-ħaddiema).

1.2.

Il-KESE jappoġġja l-azzjoni tal-Kummissjoni biex tiżgura l-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni, inklużi azzjonijiet meħuda kontra prattiki antikompetittivi, bħall-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, li jxekklu l-iżvilupp ekonomiku tal-UE u partikolarment l-SMEs, li għandhom rwol ewlieni fit-tkabbir u l-impjieg, u l-impjiegi tal-ekonomija soċjali, li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali.

1.3.

Jiddispjaċih, madankollu, li għal darb’oħra l-Kummissjoni ma adottatx mekkaniżmu legali ġenwin għall-azzjonijiet kollettivi, sabiex tipprovdi infurzar effettiv tad-dritt tad-danni għall-vittmi ta’ prattiki antikompetittivi.

1.4.

Huwa jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura li r-regoli jkunu magħrufa u trasparenti, u b’hekk jistabbilizzaw il-kumpaniji u, b’konsegwenza ta’ dan, is-suq. Huwa jixtieq ifakkar li l-prattiki tas-settur tal-bejgħ bl-imnut jistħoqqilhom li jkomplu jingħataw attenzjoni.

1.5.

Il-KESE jilqa’ l-ispinta li tat il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs), li għandhom rwol ewlieni x’jaqdu, partikolarment f’termini ta’ prevenzjoni u l-iżvilupp tal-programmi ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-liġi tal-kompetizzjoni. Huwa jqis għalhekk li dawn għandu jkollhom il-mezzi neċessarji.

1.6.

Din il-kooperazzjoni għandha tiġi estiża għal-livell internazzjonali minħabba l-globalizzazzjoni tal-kummerċ, b’tali mod li l-Ewropa ma tkunx imfixkla mill-kompetizzjoni inġusta.

1.7.

Huwa jixtieq li d-djalogu politiku bejn l-istituzzjonijiet Ewropej differenti (il-PE, il-KESE, il-Kumitat tar-Reġjuni) jiġi konsolidat u msaħħaħ.

1.8.

Il-KESE jappoġġja l-bidliet għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li ġew allinjati biex jiġu appoġġati kumpaniji innovattivi, b’mod partikolari fil-qasam diġitali, li jiftaħ perspettivi importanti ħafna f’termini ta’ żvilupp ekonomiku u ta’ ħolqien ta’ impjiegi, għall-konsumaturi u n-negozji.

1.9.

Filwaqt li huwa konxju tal-limiti ta’ kemm tista’ tintervjeni l-Kummissjoni rigward l-ottimizzazzjoni tat-taxxa, il-KESE jistenna li l-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tindirizza d-distorsjonijiet fiskali u soċjali, tillimitahom jew ittemm is-setgħat tagħhom, filwaqt li tiżgura li din l-azzjoni ma tirriżultax f’tellieqa sal-qiegħ.

1.10.

Il-KESE jqis li s-suq tal-enerġija għandu jingħata ħafna attenzjoni. Huwa favur il-ħolqien ta’ Unjoni Ewropea tal-Enerġija sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista u l-provvista tal-enerġija bi prezz li jista’ jintlaħaq fit-territorju kollu.

1.11.

Barra minn hekk, jagħti importanza lill-miżuri li jikkontribwixxu għall-iffrankar tal-enerġija, it-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

1.12.

Iqis li l-ftuħ tas-suq tal-enerġija għandu jipprovdi benefiċċji għall-konsumaturi individwali, li fil-fatt m’għandhomx il-kapaċità li jinnegozjaw.

1.13.

Il-KESE jitlob li jsir kull sforz biex jiġi żgurat aċċess ħieles għad-diġitalizzazzjoni sabiex tkun tista’ tiġi żviluppata l-ekonomija taż-żoni rurali. Dan l-objettiv jiġġustifika kumplementarjetà bejn l-investimenti privati u l-appoġġ pubbliku.

1.14.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex tkompli tagħti attenzjoni partikolari lill-provvediment ta’ servizzi finanzjarji għall-finanzjament tal-ekonomija reali u li tiżgura li l-konsumaturi jistgħu jkomplu jgawdu l-aħjar kundizzjonijiet għas-servizzi li jużaw.

1.15.

Fl-aħħar nett, il-KESE jfakkar li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-azzjonijiet tal-politika meħuda huma essenzjali.

2.   Kontenut tar-rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2014

2.1.

Dan ir-rapport annwali jiffoka essenzjalment fuq is-suq uniku diġitali, il-politika tal-enerġija, u s-servizzi finanzjarji. Iqajjem ukoll mistoqsijiet dwar it-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija Ewropea, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-promozzjoni ta’ kultura ta’ kompetizzjoni fl-UE u lil hinn minnha u d-djalogu interistituzzjonali.

2.2.

Huwa jenfasizza l-ekonomija diġitali, prevista bħala fattur li tista’ tixpruna l-innovazzjoni u t-tkabbir fis-setturi tal-enerġija, it-trasport, is-servizzi pubbliċi, is-saħħa u l-edukazzjoni. Biex dan iseħħ, intużaw l-istrumenti kollha tal-liġi tal-kompetizzjoni biex jappoġġjaw l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi, inklużi n-netwerks broadband tal-“ġenerazzjoni l-ġdida” permezz ta’ għajnuna mill-Istat, filwaqt li jinżamm il-prinċipju tan-newtralità tat-teknoloġija.

2.3.

Is-suq tal-apparat intelliġenti mobbli qed jevolvi b’mod mgħaġġel ħafna, kif wera l-akkwist tal-WhatsApp mill-Facebook fi tmiem l-ewwel stadju tal-eżami tal-fużjoni, awtorizzat mingħajr kondizzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea bl-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet (KE) Nru 139/2004 (1)  (2).

2.4.

Fl-2014 reġa’ ġie nnotat li l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni fis-settur diġitali hija kkaratterizzata minn relazzjoni kumplessa u l-bilanċ meħtieġ mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw minn privattiva, kif intwera mid-deċiżjonijiet Samsung u Motorola (3), jew mid-drittijiet tal-awtur, kif intwera bil-ftuħ ta’ proċedimenti formali kontra diversi studios Amerikani li jipproduċu l-films u xandara Ewropej tat-televiżjoni bi ħlas fl-hekk imsejjaħ każ tal-“aċċess transkonfinali għall-kontenut tat-televiżjoni bi ħlas” (4).

2.5.

Ir-rapport imbagħad jirreferi għas-settur tal-enerġija, filwaqt li jfakkar fil-ħtieġa li tiġi riformata l-politika Ewropea dwar l-enerġija. Il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġja l-investimenti fl-infrastruttura billi tqiegħed l-għajnuniet mill-Istat f’qafas u tissemplifika l-eżekuzzjoni tagħhom: ir-regolament ġenerali l-ġdid tal-eżenzjoni skont il-kategorija fil-fatt jipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni ma tibqax meħtieġa (5) għall-għajnuna għall-infrastrutturi tal-enerġija tal-bini u l-appoġġ għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, id-dekontaminazzjoni tas-siti mniġġsa u r-riċiklaġġ.

2.6.

B’kuntrast ma’ dan, l-għajnuna għall-enerġija nukleari mhijiex ikkunsidrata fil-linji gwida l-ġodda. Dawn għadhom qed jiġu eżaminati mill-Kummissjoni fid-dawl tal-Artikolu 107 tat-TFUE, kif kien il-każ bil-proġett Brittaniku għas-sussidji tal-kostruzzjoni u l-operat ta’ impjant nukleari ġdid f’Hinkley Point (6).

2.7.

Fl-aħħar nett, il-politika tal-kompetizzjoni ntużat bħala għodda biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija billi trażżan l-imġiba ħażina jew prattiki kollużivi ta’ operaturi bħal EPEX Spot u Nord Pool Spot (NPS) (7) u OPCOM fir-Rumanija, fejn din tal-aħħar kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha (8), jew Bulgarian Energy Holding (BEH) fil-Bulgarija (9), u Gazprom dwar il-provvista tal-gass upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (10).

2.8.

Fl-2014 il-politika tal-kompetizzjoni diġà pprovat ittejjeb it-trasparenza tas-settur finanzjarju u tappoġġja t-titjib tar-regolazzjoni u s-superviżjoni tas-settur bankarju.

2.9.

Il-Kummissjoni użat ukoll l-għajnuna mill-Istat implimentata fil-Greċja, Ċipru, il-Portugall, l-Irlanda u Spanja, filwaqt li żgurat li l-banek tal-iżvilupp ma ħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni (11).

2.10.

Hija nediet ukoll proċedimenti legali f’żewġ okkażjonijiet kontra l-Bank RBS u l-Bank JP Morgan, li kienu involuti f’kartell bilaterali illegali maħsub biex jinfluwenza r-rata tal-imgħax ta’ referenza ta’ LIBOR tal-frank Żvizzeru u ftehim ma’ UBS u Credit Suisse fuq firxa bejn it-talba u l-offerta ta’ derivattivi tar-rati tal-imgħax denominati fil-munita fil-frank Żvizzeru fiż-ŻEE (Żona Ekonomika Ewropea) (12). Il-Kummissjoni imponietilhom multa ta’ EUR 32,3 miljun (13).

2.11.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kompliet tniedi proċedimenti legali kontra l-prattiki kummerċjali antikompetittivi marbuta mat-tariffi multilaterali ta’ skambju kkummissjonati minn Visa Europe, Visa Inc., Visa International u MasterCard: hija poġġiet restrizzjonijiet fuq l-impenji proposti minn Visa Europe filwaqt li nediet proċedimenti kontra Visa Inc. u Visa International għat-tariffi interbankarji internazzjonali.

2.12.

Ir-rapport isemmi wkoll l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej, notevolment l-SMEs, billi jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-finanzjament fil-fażi ta’ żvilupp (14), u l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta’ qafas ġdid li jistabbilixxi eżenzjoni ġenerali sħiħa (15).

2.13.

L-SMEs huma wkoll l-ewwel li jiġu affettwati bir-reviżjoni tal-Komunikazzjoni “de minimis” li tipprovdi gwida biex jevalwaw jekk il-ftehimiet tagħhom jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-TFUE li jipprojbixxi l-ftehimiet illegali bejn l-intrapriżi (16).

2.14.

Fl-2014 kien hemm ukoll viġilanza partikolari mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ ċerti intrapriżi li sfruttaw id-differenzi bejn is-sistemi fiskali tal-Istati Membri biex inaqqsu l-bażi taxxabbli tagħhom; hija fetħet investigazzjonijiet formali għal Apple fl-Irlanda, Starbucks fin-Netherlands, u Fiat Finance & Trade fil-Lussemburgu.

2.15.

Is-sena li għaddiet timmarka l-għaxar snin li fihom ġie applikat ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 u r-reviżjoni tar-Regolament dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (17). Ir-rapport jindika f’dan ir-rigward li jkun rakkomandabbli li jsir progress rigward l-indipendenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u jippermettilhom iniedu proċedimenti legali u jippenalizzaw il-prattiki illeċiti. Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jkompli jittejjeb il-kontroll tal-fużjonijiet.

2.16.

Il-Kummissjoni tirrapporta wkoll li kisba importanti dis-sena fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni kienet l-adozzjoni tad-Direttiva dwar azzjonijiet għad-danni fil-qasam tal-antitrust li daħlet fis-seħħ fl-2014, u tgħid li permezz ta’ din id-Direttiva ser ikun iżjed faċli għaċ-ċittadini u l-intrapriżi Ewropj li jirċievu kumpens effettiv għad-danni kkawżati minn ksur tar-regoli fil-qasam tal-antitrust, bħalma huwa l-każ tal-kartelli u l-abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti fis-suq.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

3.1.

Il-KESE jappoġġja l-politika tal-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni u l-inizjattivi biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u t-tkabbir. Huwa jqis li l-broadband għandu jkun aċċessibbli fit-territorju kollu tal-UE, li jista’ jkun jeħtieġ l-użu tal-għajnuna mill-Istat flimkien ma’ riżerva ta’ fondi kumplementari tal-UE. F’dan ir-rigward, għandhom ikunu ferm utli l-linji gwida għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband (18).

3.2.

Barra minn hekk, ma jista’ jkun hemm ebda suq diġitali mingħajr netwerk tal-broadband fit-territorju kollu. L-għanijiet tal-Kummissjoni huma pjuttost modesti, meta jitqies in-nuqqas ta’ interess fost l-operaturi privati għal ċerti żoni, b’mod partikolari ż-żoni rurali, li jridu jiġu appoġġati fl-iżvilupp ekonomiku tagħhom.

3.3.

Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fir-rieda tagħha li tippenalizza l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni: huwa jqis li l-ammont tas-sanzjonijiet għandu jkun deterrent u li s-sanzjonijiet għandhom ikunu ikbar f’każ ta’ reċidiva. Barra minn hekk, il-politika tal-kompetizzjoni għandha tiġi spjegata, inkluż fi ħdan l-intrapriżi, bil-għan tal-prevenzjoni ta’ mġiba antikompetittiva.

3.4.

Il-KESE jinnota, l-istess bħall-Kummissjoni, li n-numru ta’ utenti ta’ apparat intelliġenti mobbli qed jiżdied. L-innovazzjoni hija kruċjali hawnhekk, iżda r-“regoli tal-logħba” għandhom jiġu stabbiliti għall-operaturi, ikunu magħrufa u trasparenti. Huwa jqis li l-preżenza kullimkien tal-gruppi internazzjonali ewlenin, bħal Google, biex insemmu lilhom biss, wasslet għar-riskju ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti u li huwa importanti li jiġu infurzati r-regoli eżistenti sabiex ikunu jistgħu jidħlu operaturi ġodda fis-suq.

3.5.

Barra minn hekk, huwa jsostni li d-detenturi tal-privattivi għandhom jipproponu ftehimiet ta’ liċenzjar ta’ privattivi b’kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji.

3.6.

Il-Kumitat jappoġġja l-adattar tal-qafas leġislattiv applikabbli għad-drittijiet tal-awtur għall-era tad-diġitalizzazzjoni (19): għandu jiġi adattat skont żminijietu, bħalma tenfasizza bir-raġun il-Kummissjoni.

3.7.

Fir-rigward tal-funzjonament tas-swieq tal-enerġija, il-KESE jqis li l-iżvilupp tal-ekonomija ma jistax jinkiseb mingħajr politika komuni dwar l-enerġija. Għalhekk huwa jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħloq Unjoni tal-enerġija Ewropea.

3.8.

Huwa jqis li din l-Unjoni ser tkun ta’ benefiċċju għall-intrapriżi u l-konsumaturi li għandhom ukoll jibbenefikaw minn prezzijiet raġonevoli u s-sigurtà tal-provvista.

3.9.

Il-Kumitat jappoġġja l-attenzjoni mogħtija mill-Kummissjoni lis-suq tal-enerġija b’tali mod li tiżgura li l-kompetizzjoni tkun ġenwina u li jittieħdu inizjattivi biex jingħelbu l-ostakli li jxekklu l-kompetizzjoni f’dawn is-swieq mhux regolati. Huwa jixtieq li l-Kummissjoni timplimenta l-mezzi kollha biex jiġu evitati n-nuqqasijiet li jkollhom impatt fuq l-ekonomija.

3.10.

Fl-aħħar nett, huwa jagħti importanza partikolari lill-miżuri li jikkontribwixxu għall-iffrankar tal-enerġija, it-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-bijoenerġiji.

3.11.

Il-KESE jixtieq li s-settur finanzjarju kollu jkun aktar etiku u trasparenti filwaqt li jappoġġja t-tkabbir.

3.12.

Huwa jinnota b’sodisfazzjon li l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat ikkontribwixxa biex tinstab soluzzjoni għad-diffikultajiet finanzjarji u biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni filwaqt li jitnaqqas għall-minimu r-rikors għal flus il-kontribwenti. Huwa jindika li permezz tat-tisħiħ u l-istabbiliment tal-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat ċerti distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq ġew limitati.

3.13.

Iqis li għandha tiġi enfasizzata l-miżura tal-Kummissjoni għat-tnaqqis tal-ispejjeż li jinħolqu mill-użu tal-kards tal-bank li twassal għal tnaqqis ta’ bejn 30 u 40 % tal-ispejjeż tal-operazzjonijiet fis-suq uniku.

3.14.

L-objettiv imħabbar ta’ promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku huwa ħtieġa assoluta, u jista’ jiġi appoġġat mill-politika dwar l-għajnuna għall-innovazzjoni li tinsab fil-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

3.15.

F’opinjonijiet preċedenti, il-KESE laqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat u kien qies li l-linji gwida l-ġodda (20) kienu aktar konformi mal-ħtiġiet tal-Istati Membri u r-realtajiet tas-suq. Iqis li jekk ikun hemm iktar trasparenza l-allokazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tinfiehem aħjar. Is-superviżjoni tal-Kummissjoni ser tiżgura li l-allokazzjoni tal-għajnuna tkun konformi mar-regoli stabbiliti. Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni ser tippermetti lill-Istati Membri biex jivverifikaw l-użu korrett tal-għajnuna.

3.16.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jintlaħqu għall-promozzjoni tat-twettiq tal-proġetti Ewropej, flimkien mat-tħabbira tal-ħolqien ta’ fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, għandha tikkontribwixxi biex jintlaħaq dan l-objettiv.

3.17.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li tingħata għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-intrapriżi f’diffikultà, iżda li jkunu vijabbli. Huwa jappoġġja l-miżuri li ttieħdu biex jintemm l-aġir illeċitu li jagħmel ħsara lill-iżvilupp, speċjalment l-SMEs li joħolqu l-impjieg, u jkollhom impatt fuq l-impjiegi u l-prezzijiet.

3.18.

Il-Kumitat jinnota li l-intrapriżi l-kbar qed ikomplu jwettqu ppjanar aggressiv tat-taxxa permezz tad-differenzi fis-sistemi fiskali. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tindirizza l-evażjoni tat-taxxa li tirriżulta mid-distorsjonijiet fiskali, tillimitaha jew tispiċċaha, fil-limiti tas-setgħat tagħha.

3.19.

L-isforzi tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata konverġenza mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u bejniethom huma partikolarment importanti.

3.20.

Il-Kumitat ser jimmonitorja mill-qrib is-segwitu għall-White Paper “Lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet fl-UE” li għandha l-għan li ttejjeb il-mekkaniżmi eżistenti.

3.21.

Fid-dawl tal-globalizzazzjoni tal-kummerċ, il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni multilaterali (OECD, RIC, l-UNCTAD) u tal-programmi ta’ kooperazzjoni u assistenza teknika.

3.22.

Id-djalogu bejn id-DĠ Kompetizzjoni u l-Parlament Ewropew, il-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jiżgura t-trasparenza tad-dibattitu interistituzzjonali dwar il-politika implimentata.

3.23.

Dan l-impenn għal djalogu għandu jinżamm, iktar u iktar billi l-President Juncker, fl-ittra ta’ missjoni tiegħu li ntbagħtet lis-Sinjura Vestager, enfasizza din is-sħubija politika.

3.24.

Għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, il-KESE mhuwiex tal-fehma li d-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) u r-Rakkomandazzjoni dwar il-prinċipji komuni għal mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv f’tilwim li jikkonċerna ksur tal-liġijiet tal-kompetizzjoni jistgħu jipprovdu r-rimedju kollettiv meħtieġ għad-drittijiet tal-vittmi ta’ tali ksur.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Il-bilanċ delikat li għandu jintlaħaq bejn l-innovazzjoni, il-kompetizzjoni u l-liġi tal-proprjetà industrijali għal suq diġitali konness

4.1.1.

Skont il-Kummissjoni, proċeduri mtejba għall-istandardizzazzjoni u interoperabilità ikbar huma l-qofol tal-effiċjenza tal-aġenda diġitali tagħha. Għad irid jiġi definit x’għandu jitfisser bi proċeduri “aħjar” ta’ standardizzazzjoni.

4.1.2.

Il-Każ Motorola (22), wieħed mill-episodji tal-gwerra tal-privattivi għall-ismartphones, qed jintuża bħala eżempju għal-linji gwida li għandhom jiġu segwiti mill-intrapriżi tas-settur. F’dak il-każ, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li l-kumpanija Motorola, detentur tal-privattivi essenzjali għall-istandard GPRS, kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha meta fittxet li tikseb u eżegwixxiet inibizzjoni kontra l-kumpanija Apple quddiem qorti Ġermaniża. Dawn il-privattivi jissejħu “essenzjali” minħabba li dawn kienu neċessarji għall-implimentazzjoni tal-istandard tal-GSM. Il-kumpaniji detenturi ta’ privattivi essenzjali jista’ jkollhom saħħa konsiderevoli fis-suq, u anke l-entitajiet ta’ standardizzazzjoni spiss jitolbuhom jieħdu sehem fl-għoti tal-liċenzji għall-privattivi essenzjali taħghom b’kundizzjonijiet indaqs, raġonevoli u mhux diskriminatorji (“fair, reasonable and non-discriminatory”, jew FRAND), sabiex jiżguraw li l-parteċipanti kollha fis-suq ikollhom aċċess għal dan l-istandard.

4.1.3.

F’dan il-każ, minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għal din il-privattiva essenzjali, proprjetà ta’ Motorola, ma kienx possibbli għall-kompetitur tagħha, f’dan il-Każ Apple, li jipproduċi u jbiegħ ċerta kategorija ta’ smartphones.

4.1.4.

It-tressiq ta’ inibizzjoni quddiem qorti nazzjonali huwa leġittimu għal proprjetarju ta’ privattiva f’każ ta’ ksur, iżda dan jista’ jkun abbużiv meta d-detentur tal-privattiva essenzjali jkollu pożizzjoni dominanti fis-suq, fejn huwa impenjat li jagħti aċċess fuq termini FRAND u fejn l-intrapriża konkorrenti li tkun ingħatat inibizzjoni tkun preparata li takkwista liċenzja fuq termini FRAND. Madankollu, il-Kummissjoni ma imponietx multa fuq Motorola, minħabba n-nuqqas ta’ ġurisprudenza tal-Qrati tal-UE fir-rigward tal-legalità, skont l-Artikolu 102 tat-TFUE ta’ inibizzjonijiet kontra l-privattiva essenzjali u minħabba d-differenzi bejn il-ġurisprudenzi nazzjonali, iżda l-Kummissjoni ordnat lil Motorola biex tieqaf l-imġiba abbużiva tagħha.

4.1.5.

F’każ simili, il-Kummissjoni aċċettat l-impenji proposti mill-kumpanija Samsung li mhux se tfittex inibizzjonijiet fiż-ŻEE, fuq il-bażi ta’ privattivi essenzjali għall-ismartphones u t-tablets, kontra l-intrapriżi li jagħmlu parti minn qafas speċifiku għall-għoti ta’ liċenzji.

4.1.6.

Dawn il-każijiet juru li diffiċli jinkiseb il-bilanċ bejn il-kompetizzjoni, il-liġi tal-privattivi u l-innovazzjoni, bl-għan aħħari li l-konsumatur ikun jista’ jakkwista prodotti teknoloġiċi bi prezz raġonevoli, filwaqt li jkollu l-ikbar għażla possibbli bejn prodotti interoperabbli.

4.1.7.

Il-KESE jappoġġja l-isforzi li għamlet il-Kummissjoni u jħeġġiġha biex tibqa’ żżomm quddiemha li l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mhijiex għan fiha innifisha, iżda hija forma ta’ kompetizzjoni li fl-aħħar mill-aħħar hija ta’ benefiċċju għall-konsumatur.

4.1.8.

Il-KESE jappoġġja l-idea li l-investiment privat jiġi komplementat mill-investiment pubbliku sabiex jiġi evitat distakk diġitali fi ħdan l-UE, bil-kundizzjoni li l-għajnuna mill-Istat ma xxekkilx l-investiment privat. Forsi bħala sinjal ta’ interess tal-Kummissjoni f’dan is-suġġett, il-“Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband (23)” kienu l-ewwel test adottat b’mod definittiv fil-qafas tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

4.1.9.

Il-KESE jqis, madankollu, li l-intenzjoni tal-Kummissjoni li sal-2020 tinkiseb kopertura sħiħa ta’ broadband veloċi (30 Mbps) għas-servizzi u l-adozzjoni ta’ broadband ultraveloċi (100 Mbps) għal 50 % tal-Ewropej mhijiex ambizzjuża biżżejjed.

4.2.   Is-swieq tal-enerġija

4.2.1.

Il-garanzija tal-indipendenza tal-Ewropa fl-enerġija u l-promozzjoni tal-ħolqien ta’ suq integrat tal-enerġija huma kruċjali għall-aċċess għall-enerġija, l-eliminazzjoni tal-gżejjer tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista. Rieda politika ġenwina għandha twassal lill-UE biex tilħaq dan l-għan u anke biex tħeġġeġ id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija użati bil-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli. L-Unjoni Ewropea tal-enerġija mixtieqa mill-President Juncker (24) żgur ser taqdi dan ir-rwol ta’ tħeġġiġ politiku.

4.2.2.

Il-KESE jemmen li t-tielet pakkett tal-enerġija għandu jiġi implimentati malajr, speċjalment peress li r-regoli għall-kummerċ transkonfinali tal-enerġija għadhom frammentati.

4.2.3.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati mingħajr aktar stennija r-riformi strutturali meħtieġa biex jitneħħew l-ostakli għall-investiment fl-infrastruttura, b’mod partikolari dawk b’dimensjoni transkonfinali.

4.2.4.

Il-KESE m’għandu l-ebda dubju li l-promozzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tgħin biex jinfetħu s-swieq nazzjonali tal-enerġija, kif urew il-Kambji tal-Enerġija u OPCOM/Kambju tal-Enerġija Rumen imsemmija fir-rapport tal-Kummissjoni (25), fejn il-Kummissjoni, minn naħa, kienet imponiet multa skont l-Artikolu 101 tat-TFUE fuq żewġ kambji li kienu qablu li ma jikkompetux u li kienu allokaw t-territorji bejniethom, u min-naħa l-oħra imponiet multa fuq OPCOM/Kambju tal-Enerġija Rumen, skont l-Artikolu 102 tat-TFUE, għal diskriminazzjoni kontra l-kummerċjanti tal-elettriku fi Stati Membri oħra.

4.2.5.

Madankollu, il-Kumitat għandu d-dubji dwar l-affermazzjoni li filwaqt li l-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku naqsu bis-saħħa ta’ kompetizzjoni iktar qawwija, dan ma wassalx għal tnaqqis spiss fil-livell ġenerali tal-prezzijiet għall-konsumaturi finali (26).

4.2.6.

F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 102 tat-TFUE dwar l-isfruttar abbużiv minn Gazprom tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-settur tal-provvista ta’ gass naturali fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (27).

4.3.   Servizzi finanzjarji u bankarji

4.3.1.

Is-sena 2014 rat il-kontinwazzjoni tar-reviżjoni fundamentali tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni bankarja. Ir-regoli proposti huma maħsuba b’mod partikolari biex tiżdied it-trasparenza tas-swieq finanzjarji.

4.3.2.

Il-Kummissjoni żgurat ukoll li l-istituzzjonijiet finanzjarji appoġġati mill-għajnuna mill-Istat jew jirristrutturaw jew joħorġu mis-suq, u tat attenzjoni partikolari lir-riskji ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji (28).

4.3.3.

Il-KESE segwa b’interess l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-prattiki kummerċjali antikompetittivi u jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jippenalizzaw it-tariffi tal-interkambju.

4.3.4.

Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fil-Każ MasterCard (29), li tikkonferma l-analiżi tal-Kummissjoni, intlaqgħet tajjeb mill-KESE. Fil-fatt, it-tariffi interbankarji li jitħallsu mill-konsumaturi meta jħallsu b’kard bankarja kienu dejjem ogħla, numerużi u opaki.

4.3.5.

Barra minn hekk, dawn il-prattiki kummerċjali xekklu d-dħul fis-suq tal-pagamenti ta’ operaturi ekonomiċi mhux bankarji u li jistgħu joffru lill-konsumaturi mezzi oħra ta’ ħlas elettroniku, mobbli u sigur, pereżempju permezz tal-ismartphones tagħhom.

4.3.6.

Il-partikolarità tal-Każ MasterCard nibtet ukoll mill-fatt li l-mekkaniżmu ta’ ffissar tat-tariffi multilaterali tal-kambju kien jikkostitwixxi restrizzjoni effettiva, mhux oġġettiva.

4.3.7.

Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja, bħall-Qorti Ġenerali, qieset li t-tariffi multilaterali ta’ interkambju ma kinux oġġettivament neċessarji għall-funzjonament tas-sistema MasterCard.

4.4.   Aktar appoġġ għall-SMEs

4.4.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-attenzjoni mogħtija lill-SMEs, li jaqdu rwol fundamentali fit-tkabbir u li għandhom rwol importanti biex jitwettqu l-miri tal-Ewropa 2020. Huwa japprova d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għall-appoġġ tal-finanzjament tal-attivitajiet tagħhom u l-adattament tar-regoli għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.

4.4.2.

Il-KESE japprezza li dawn il-politiki kienu miftuħa lejn il-professjonijiet intellettwali u jirrikonoxxi r-rwol kruċjali għat-tkabbir tal-professjonisti Ewropej, billi dawn jassiguraw, minn settur għal settur, kontribut indispensabbli ta’ għarfien meħtieġ biex jinstabu soluzzjonijiet għal problemi kumplessi li jiffaċċjaw iċ-ċittadini u l-impriżi; il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tkompli l-isforzi tagħha f’din id-direzzjoni, u jekk possibbli anke żżidhom.

4.4.3.

Pereżempju, bis-saħħa tal-“Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju” (30) l-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament fil-fażi tal-bidu tagħhom. Barra minn hekk, dawn jidhru li tfasslu biex ikunu aktar adattati għar-realtajiet tas-suq.

4.4.4.

Barra minn hekk, jappoġġja l-miżuri tal-Kummissjoni kontra l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li jista’ jxekkel il-ħolqien u l-iżvilupp tal-SMEs u jaffettwa l-attivitajiet tagħhom.

4.4.5.

L-Avviż “de Minimis” tal-2014 (31) effettivament jipprevedi żona ta’ sigurtà għal dawn l-akkordji mingħajr effett apprezzabbli fuq il-kompetizzjoni, peress li jiġu implimentati minn intrapriżi li ma jeċċedux ċerti livelli minimi ta’ partijiet tas-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta’ gwida għall-SMEs. Madankollu, il-KESE jqis li jkun rakkomandabbli li jsiru kampanji ta’ informazzjoni fuq il-post.

4.5.   Insaħħu l-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali

4.5.1.

Il-KESE japprezza l-kooperazzjoni tajba bejn il-Kummissjoni u l-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni. Iqis li dan jiżgura l-interazzjoni essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq.

4.5.2.

Jappoġġja l-miżuri kollha meħtieġa għall-kooperazzjoni tal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni, li jimplika li dawn ikollhom riżorsi u jkunu indipendenti.

4.5.3.

Il-KESE japprova l-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni biex tinħoloq żona Ewropea tal-kompetizzjoni ġenwina, li jimplika li r-regoli fundamentali tal-liġijiet nazzjonali għandhom ikunu armonizzati, peress li dawn jipproteġu l-attività ekonomika fi ħdan is-suq uniku.

4.5.4.

Huwa jqis ukoll li jeħtieġ li l-Istati Membri jkollhom qafas legali komprensiv li permezz tiegħu jkunu jistgħu jsiru l-ispezzjonijiet neċessarji u li jiġu imposti multi effettivi u proporzjonati.

4.5.5.

Il-programmi ta’ klemenza li wrew is-siwi tagħhom fil-ġlieda kontra l-kartelli għandhom jiġu applikati wkoll fl-Istati Membri kollha.

4.5.6.

Il-kooperazzjoni multilaterali mal-OECD, in-Netwerk Internazzjonali tal-Kompetizzjoni u l-UNCTAD għandha tibqa’ attiva, u l-Kummissjoni għandha timmira li jkollha rwol ewlieni hawnhekk.

4.5.7.

Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li l-assistenza teknika għandha tkun ta’ appoġġ ikbar għan-negozjati ta’ adeżjoni mal-pajjiżi kandidati.

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2014, p. 1).

(2)  Il-Każ M.7217 Facebook/WhatsApp, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2014.

(3)  Il-Każ AT.39985 Motorola – Eżekuzzjoni ta’ privattivi essenzjali għall-istandard GPRS, deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2014. Il-Każ AT.39939 Samsung – Eżekuzzjoni ta’ privattivi essenzjali għall-istandard UMTS, deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2014.

(4)  Il-Każ AT.40023 Aċċess transkonfinali għall-kontenut televiżiv bi ħlas, 13 ta’ Jannar 2014.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 316/2014 tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Marzu 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-TFUE għall-kategoriji ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU L 93, 28.3.2014, p. 17), “Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija” (ĠU C 89, 28.3.2014, p. 3).

(6)  Il-Każ SA. 34947 Ir-Renju Unit – Appoġġ għal-impjant nukleari ta’ Hinkley Point C, 8 ta’ Ottubru 2014.

(7)  Il-Każ AT.39952 Kambju tal-elettriku, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2014.

(8)  Il-Każ AT.39984 OPCOM/Kambju tal-elettriku Rumen, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2014.

(9)  Il-Każ AT.39767 BEH elettriku.

(10)  Il-Każ AT.39816 Provvista tal-gass upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, 4 ta’ Settembru 2012.

(11)  Il-Każ SA.36061 UK Business Bank, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Ottubru 2014. Il-Każ SA.37824 It-twaqqif tal-finanzjament tal-iżvilupp fil-Portugall, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2014.

(12)  Il-Każ AT. 39924 Derivattivi tar-rati ta’ interess denominati fi franki Żvizzeri, Deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2014 http://europa.eu/rapid/press-release_IP-14-1190_en.htm

(13)  L-ebda multa ma ġiet imposta fuq l-RBS għax ibbenefika minn immunità skont il-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2006 talli għarraf lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ kartell u b’hekk evita multa ta’ madwar EUR 5 miljun talli ħa sehem fil-ksur. UBS and JP Morgan ibbenefikaw minn tnaqqis fil-multi talli kkooperaw fl-investigazzjoni taħt il-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni. L-erba’ banek li għażlu li jirrisolvu l-każ mal-Kummissjoni bbenefikaw minn tnaqqis ulterjuri ta’ 10 % tal-multi tagħhom.

(14)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (ĠU C 19, 22.1.2014, p. 4).

(15)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Qafas għall-għajnuna mill-istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU C 198, 27.6.2014, p. 1).

(16)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Avviż dwar akkordji ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Avviż De Minimis) (ĠU C 291, 30.8.2014, p. 1).

(17)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1, mhux disponibbli bil-Malti), ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(18)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband (ĠU C 25, 26.1.2013, p. 1).

(19)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 72; ĠU C 44, 15.2.2013, p. 104.

(20)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (ĠU C 19, 22.1.2014, p. 4).

(21)  Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 5.12.2014, p. 1).

(22)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

(23)  ĠU C 25, 26.1.2013, p. 1.

(24)  Jean-Claude Juncker, Bidu Ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda Tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss, Diskors ta’ ftuħ tas-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, 15 ta’ Lulju 2014.

(25)  Il-Każ AT.39952 Kambji tal-Elettriku, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2014 u l-Każ AT.39984 OPCOM/Kambju ta’ Elettriku Rumen, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2014.

(26)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Il-Prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa” tad-29 ta’ Jannar 2014.

(27)  Il-Każ AT.39816 Il-provvista tal-gass upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

(28)  Il-Każ SA.38994 skema ta’ sostenn għal-likwidità tal-banek Bulgari, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2014.

(29)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2014 fil-Każ C-382/12 P, MasterCard et al kontra l-Kummissjoni.

(30)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (ĠU C 19, 22.1.2014, p. 4).

(31)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Avviż dwar akkordji ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Avviż De Minimis) (ĠU C 291, 30.8.2014, p. 1).


24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/42


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: Ħames Oqsma Ewlenin għal Azzjoni”

[COM(2015) 302 final]

(2016/C 071/07)

Relatur:

is-Sur Petru Sorin DANDEA

Korelatur:

is-Sur Paulo BARROSVALE

Nhar is-6 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: Ħames Oqsma Ewlenin għal Azzjoni”

[COM(2015) 302 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru (seduta tad-9 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’169 vot favur, 15-il vot kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa kienet waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni Ewropea f’dawn l-aħħar snin. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ tassazzjoni ġusta u effiċjenti tal-intrapriżi preżentata mill-Kummissjoni Ewropea hija pass importanti fl-isforz biex ireġġgħu lura dan il-fenomenu li qed jagħmel ħsara. Il-KESE jilqa’ l-preżentazzjoni ta’ dan il-Pjan u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-Kummissjoni fil-ġlieda kontra din is-sitwazzjoni li tikkontribwixxi biex jitherrew il-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri u tinkoraġġixxi kompetizzjoni inġusta.

1.2.

Kif diġà qal fil-passat (1), il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta’ bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK) li hija obbligatorja għall-intrapriżi involuti f’attività transkonfinali. BKKTK fakultattiva tippreġudika l-effikaċja ta’ miżura bħal din peress li l-intrapriżi li jwettqu t-trasferiment tal-profitti biex iħallsu anqas taxxi jistgħu jirrifjutaw li jadottawha.

1.3.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-futur jipprevedu l-estensjoni tal-BKKTK għall-intrapriżi kollha biex tiġi evitata l-koeżistenza ta’ żewġ sistemi fiskali differenti. Qabel ma l-BKKTK tiġi estiża għall-kumpaniji kollha, għandha ssir valutazzjoni tal-impatt dettaljata, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt tagħha fuq il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar li joperaw fil-livell lokali.

1.4.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex, hija u tħejji l-abbozz ta’ direttiva, tassigura ċ-ċarezza tad-definizzjonijiet u tal-kunċetti li għandhom jirregolaw il-bażi komuni. Fil-fatt, tali definizzjonijiet ċari ser ikunu kundizzjoni sine qua non biex tiġi żgurata l-kwalità tal-proċess ta’ traspożizzjoni u jiġi evitat li, fil-livell tal-Istati Membri, ikun hemm diskrepanzi sinifikanti li jistgħu jnaqqsu b’mod konsiderevoli l-effikaċja tat-test regolatorju.

1.5.

Il-KESE jemmen li l-mekkaniżmu ta’ kumpens transkonfinali għat-telf, li l-Kummissjoni tixtieq timplimenta sal-adozzjoni tal-iskema ta’ konsolidazzjoni, m’għandhux jaffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jintaxxaw il-profitti minn attivitajiet imwettqa fit-territorju tagħhom.

1.6.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ppubblikat, f’anness ma’ din il-Komunikazzjoni, il-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx fi kwistjonijiet ta’ taxxa. Huwa jfakkar ukoll li fil-proposta li għamel f’opinjonijiet preċedenti li l-leġislazzjoni tal-UE għandha tipprevedi sanzjonijiet għall-kumpaniji li jkomplu jamministraw in-negozji tagħhom minn rifuġji fiskali, biex b’hekk jevitaw li jħallsu t-taxxi applikabbli taħt is-sistemi ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri fejn iwettqu l-attivitajiet tagħhom.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda li wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-BKKTK u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ konsolidazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi tal-impatt tar-regolamenti l-ġodda. Jekk minn din l-analiżi joħroġ fid-dieher li t-trasferiment tal-profitti lejn Stati Membri li japplikaw rati ta’ taxxi iktar baxxi ma naqasx, il-KESE jipproponi li jittieħdu miżuri addizzjonali adatti.

1.8.

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni tal-mandat tal-Pjattaforma għall-governanza fiskali tajba, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra wkoll li mal-kompożizzjoni tagħha ta’ rappreżentanti żżid imsieħba soċjali Ewropej, li jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-ħidma tagħha.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Fis-17 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni (2) li tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ tassazzjoni ġusta u effiċjenti tal-kumpaniji fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Din issegwi l-pakkett ta’ miżuri dwar it-trasparenza fiskali ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea f’Marzu, li kien fih ukoll abbozz ta’ direttiva dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni dwar deċiżjonijiet tat-taxxa antiċipati.

2.2.

Il-pjan huwa msejjes fuq madwar erba’ objettivi, li għandhom l-għan li jippromovu approċċ ġdid għat-tassazzjoni tal-intrapriżi tal-UE: l-istabbiliment mill-ġdid tar-rabta bejn it-taxxa u l-post fejn titwettaq l-attività ekonomika, l-iżgurar li l-Istati Membri jkunu jistgħu jevalwaw b’mod korrett l-attivitajiet tal-intrapriżi fil-ġurisdizzjoni tagħhom, il-ħolqien ta’ ambjent fiskali kompetittiv u propizju għat-tkabbir għall-intrapriżi fi ħdan l-Unjoni, li jippermetti lill-intrapriżi jkunu aktar reżiljenti, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew, u fl-aħħar, il-protezzjoni tas-suq uniku u l-garanzija li l-Unjoni tadotta approċċ attiv fir-rigward tal-kwistjonijiet esterni marbuta mat-tassazzjoni tal-intrapriżi, inklużi l-miżuri bil-għan li jimplimentaw il-proġett tal-ġlieda kontra l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti (BEPS) tal-OECD.

2.3.

Il-pjan ta’ azzjoni jippreżenta għadd ta’ miżuri li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-ksib tal-objettivi, li jikkonċernaw l-istabbiliment ta’ bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK), l-iżgurar ta’ tassazzjoni effettiva fejn isiru l-profitti, it-twaqqif ta’ miżuri addizzjonali biex jittejjeb l-ambjent fiskali tal-intrarpriżi, it-twettiq ta’ aktar progress fir-rigward tat-trasparenza fiskali, u biex isir użu aħjar tal-istrumenti Ewropej ta’ koordinazzjoni fi kwistjonijiet ta’ taxxa.

2.4.

Il-Kummissjoni tixtieq tindirizza wkoll il-kwistjoni tal-ħelsien mit-taxxa offrut mill-Istati Membri għall-privattivi. Beħsiebha tiżgura li dan ma joħloqx distorsjonijiet fis-suq intern u ser tiggwida wkoll lill-Istati Membri lejn approċċ ġdid. Sa fejn tkun tista’ tosserva li dawn ma japplikawx dan l-approċċ b’mod sistematiku, ser tistabbilixxi miżuri leġislattivi vinkolanti.

2.5.

Il-Kummissjoni qed tkompli l-kooperazzjoni tagħha mal-imsieħba internazzjonali l-oħra u tenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-BEPS tal-OECD, li għandu joħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għat-tassazzjoni tal-intrapriżi multinazzjonali, inkluż fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-Pjan tal-Kummissjoni għandu l-għan li jiġġieled il-fenomenu li jagħmel ħsara tat-trasferiment tal-profitti, li huwa promoss mill-intrapriżi li jwettqu attivitajiet transkonfinali li jittrasferixxu l-profitti tagħhom f’pajjiżi jew entitajiet territorjali fejn ir-rati tat-taxxa huma baxxi ħafna jew ineżistenti u, għalhekk jikkontribwixxu għall-erożjoni tal-bażi tat-taxxa tal-Istati Membri u jġiegħluhom jgħollu taxxi oħra, f’approċċ li jwassal għal żieda fil-piż tat-taxxa għall-kontribwenti eżemplari, kemm persuni fiżiċi jew SMEs. Il-KESE jilqa’ l-preżentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-Kummissjoni fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu.

3.2.

Il-proposta prinċipali tal-Kummissjoni f’dan il-Pjan huwa li tiġi introdotta bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK) li tkun vinkolanti. Fil-proposta għal Direttiva tal-2011, il-Kummissjoni kienet ipproponiet li l-BKKTK tkun fakultattiva. Dak iż-żmien, il-KESE ħareġ Opinjoni b’għadd ta’ proposti bażiċi dwar il-BKKTK (3), li għadu jiddefendi sal-lum il-ġurnata.

3.3.

Il-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju li tagħmel il-BKKTK vinkolanti peress li l-intrapriżi transnazzjonali li jwettqu pjanar aggressiv tat-taxxa mhux ser jadottawha jekk tibqa’ fakultattiva. Il-KESE jaqbel mal-proposta li l-BKKTK tkun obbligatorja, u jirrakkomanda lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li fil-futur din tkun applikabbli għall-intrapriżi kollha sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri jużaw żewġ bażijiet tat-taxxa differenti.

3.4.

Fid-dawl tal-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tipproponi li bħala l-ewwel pass jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta’ bażi komuni u mbagħad, f’fażi ulterjuri, tiġi prevista l-konsolidazzjoni. Peress li l-ippjanar aggressiv tat-taxxa qed jikkomprometti serjament il-kompetizzjoni fis-suq uniku kollu kemm hu u qed iwassal għal telf konsiderevoli ta’ dħul għall-Istati Membri, il-KESE jirrakkomanda li titħaffef l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni.

3.5.

Jeħtieġ li l-proposta għal Direttiva tiġi ppreżentata s-sena d-dieħla. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex, hija u tħejji l-abbozz, tassigura ċ-ċarezza tad-definizzjonijiet u tal-kunċetti li għandhom jirregolaw il-bażi komuni. Fil-fatt, tali definizzjonijiet ċari ser ikunu kundizzjoni sine qua non biex tiġi żgurata l-kwalità tal-proċess ta’ traspożizzjoni u jiġi evitat li, fil-livell tal-Istati Membri, ikun hemm diskrepanzi sinifikanti li jistgħu jnaqqsu b’mod konsiderevoli l-effikaċja tat-test regolatorju.

3.6.

Il-Kummissjoni tipproponi li sal-istadju sussegwenti tal-konsolidazzjoni, l-abbozz ta’ Direttiva jkun jinkludi mekkaniżmu għall-kumpens transkonfinali tat-telf. Peress li l-konsolidazzjoni tirrappreżenta l-vantaġġ ekonomiku ewlieni tal-BKKTK, kien ikun aħjar kieku ġiet introdotta sa mill-bidu nett. Madankollu, fid-dawl tad-diffikultajiet biex jintlaħaq ftehim politiku dwar din il-kwistjoni, il-KESE jappoġġja l-mekkaniżmu propost. Fir-rigward tat-talbiet magħmula mill-Parlament Ewropew, iżda wkoll mill-Istati Membri, favur il-possibbiltà li l-profitti jiġu intaxxati fil-post fejn dawn jiġu ġġenerati, il-KESE jqis li dan il-mekkaniżmu ta’ kumpens m’għandux jolqot bla bżonn id-dritt tal-Istat Membri li jintaxxaw il-profitti li jirriżultaw minn attività mwettqa fit-territorju tagħhom.

3.7.

Mill-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni, jidher li jeżistu sitwazzjonijiet fejn l-intrapriżi li jwettqu attivitajiet transkonfinali jittrasferixxu l-profitti tagħhom lejn Stati Membri li japplikaw l-inqas rata tat-taxxa. Dan il-fenomenu huwa megħjun mid-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni fis-seħħ dwar l-intrapriżi (4). Il-KESE jemmen li jekk din il-prattika min-naħa tal-intrapriżi tibqa’ sseħħ fis-suq uniku anke wara l-introduzzjoni tal-konsolidazzjoni, għandhom jiġu introdotti wkoll miżuri legali adatti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

L-ippjanar aggressiv tat-taxxa żviluppat mill-intrapriżi li jwettqu attivitajiet transkonfinali jikkawża telf baġitarju li jammonta għal mijiet ta’ biljuni ta’ euro fis-sena għall-Istati Membri. Il-KESE jaqbel mal-implimentazzjoni tal-BKKTK u jqis li għandha ssir standard ġenerali fil-qasam tat-tassazzjoni tal-profitti fl-UE. Dan jissimplifika s-sistema ta’ tassazzjoni korporattiva u jippermetti li tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-Istati Membri jkollhom japplikaw il-BKKTK għall-intrapriżi li jwettqu attività transkonfinali u sistema differenti għall-oħrajn.

4.2.

Il-KESE jirrakkomanda li wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-BKKTK u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ konsolidazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi tal-impatt tar-regolamenti l-ġodda. Jekk minn din l-analiżi joħroġ fid-dieher li t-trasferiment tal-profitti lejn Stati Membri li japplikaw rati ta’ taxxi iktar baxxi ma naqasx, il-KESE jipproponi li jittieħdu miżuri legali addizzjonali adatti biex jiskoraġġixxu lill-intrapriżi li jwettqu attività transkonfinali milli jkomplu jittrasferixxu l-profitti tagħhom lejn l-Istati Membri b’rati ta’ taxxa aktar baxxi.

4.3.

Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi regolat aħjar il-kunċett ta’ “stabbiliment permanenti” ta’ intrapriża. Il-KESE huwa tal-fehma li t-tassazzjoni tal-profitti li jirriżultaw mill-attività mwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru huwa l-uniku mod biex titneħħa kull possibbiltà kif, f’ċerti ċirkostanzi, l-intrapriżi jevitaw b’mod artifiċjali li jkollhom preżenza taxxabbli f’dak il-pajjiż. L-adozzjoni tal-proġett BEPS tal-OECD tista’ tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-każijiet fejn l-intrapriżi jevitaw li jħallsu taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji billi jinvokaw id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni tal-UE fis-seħħ.

4.4.

Il-konsolidazzjoni hija l-operazzjoni li permezz tagħha l-profitti u t-telf ta’ intrapriża jistgħu jiġu kumulati għat-territorju kollu tal-UE. Il-KESE jirrikonoxxi li, ladarba tiġi adottata, ser tikkostitwixxi l-ass ewlieni tal-BKKTK fil-ġlieda kontra t-tattiki kumplessi tal-prezzijiet ta’ trasferiment li jirrikorru għalihom l-intrapriżi li jwettqu attivitajiet transkonfinali fl-UE biex iħallsu inqas taxxa. Jirrakkomanda, madankollu, li l-Kummissjoni tqis il-protezzjoni tad-dritt ta’ kull Stat Membru li jintaxxa l-profitti li jirriżultaw minn attivitajiet imwettqa minn intrapriżi fit-territorju tiegħu stess.

4.5.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni telenka fl-anness lista ta’ pajjiżi u territorji nonkooperattivi fi kwistjonijiet ta’ tassazzjoni. Il-KESE jemmen li dan huwa biss l-ewwel pass tal-ġlieda kontra l-ġurisdizzjonijiet fiskali nonkooperattivi, magħrufa wkoll bħala rifuġji fiskali. Huwa jfakkar ukoll fil-proposta li għamel f’Opinjonijiet preċedenti (5) li l-leġislazzjoni tal-UE għandha tipprevedi sanzjonijiet għall-intrapriżi li jkomplu jamministraw in-negozji tagħhom minn rifuġji fiskali, biex b’hekk jevitaw li jħallsu t-taxxi applikabbli taħt is-sistemi ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri fejn iwettqu l-attivitajiet tagħhom.

4.6.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol importanti tal-gruppi li żguraw il-kooperazzjoni mal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni. Dawn jinkludu b’mod partikolari l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) u l-Pjattaforma għall-Governanza Fiskali Tajba. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkunsidraw il-possibbiltà li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi jiġu inkorporati fil-leġislazzjoni Ewropea u b’hekk isiru obbligatorji.

4.7.

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni tal-mandat tal-Pjattaforma għall-governanza fiskali tajba, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex mhux biss testendih lil hinn mill-2016 iżda li tikkunsidra wkoll li mal-kompożizzjoni tagħha ta’ rappreżentanti żżid imsieħba soċjali Ewropej, li jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-ħidma tagħha.

4.8.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jissoktaw bl-impenn tagħhom li jissemplifikaw u jarmonizzaw il-qafas ġuridiku eżistenti, sew fil-livell Ewropew u sew f’dak nazzjonali. Dan l-approċċ jista’ jkollu l-effett li jinkoraġġixxi l-investiment fil-livell Ewropew, billi jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal tkabbir sostenibbli u impjiegi ġodda.

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-koordinazzjoni tas-sistemi fiskali diretti, (ĠU C 10, 15.1.2008, p. 113), Opinjoni tal-KESE dwar “Creation of a common consolidated corporate tax base in the EU” (Il-ħolqien ta’ bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva fl-UE) (mhux disponibbli bil-Malti), (ĠU C 88, 11.4.2006, p. 48).

(2)  Sistema tat-taxxa korporattiva ġusta u effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: ħames oqsma ewlenin għal azzjoni, COM(2015) 302 final.

(3)  Bażi għat-Taxxa Konsolidata Korporattiva Komuni (BTKKK) (ĠU C 24, 28.1.2012, p. 63).

(4)  Id-Direttiva dwar il-kumpaniji prinċipali u s-sussidjarji (Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat-30 ta’ Novembru 2011) u dik dwar l-imgħax u r-royalties (Direttiva tal-Kunsill 2003/49/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003).

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (ĠU C 198, 10.7.2013, p. 34), Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Il-Metodu Komunitarju għal UEM demokratika u soċjali (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 33).


24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/46


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”

[COM(2015) 240 final]

(2016/C 071/08)

Relatur:

is-Sur Stefano MALLIA

Korelatur:

is-Sur Cristian PÎRVULESCU

Nhar l-10 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda Ewropea dwar il-MigrazzjoniAġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”

[COM(2015) 240 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tal-10 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’161 vot favur, 10 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-“Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” tal-Kummissjoni, li huwa jemmen li tissimbolizza għarfien misjub ġdid dwar il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-migrazzjoni fuq livell Ewropew, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jappoġġjaw b’mod kollettiv l-implimentazzjoni ta’ din l-Aġenda.

1.2.

L-isfida immedjata għall-UE hija li tasal biex tikkontrolla l-qagħda kaotika attwali u li tiżgura li n-nies li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali jkunu ttrattati kif suppost. Il-KESE jappoġġja t-twaqqif immedjat ta’ “hotspots” għall-appoġġ tal-pajjiżi li qed jiffaċċjaw fluss kbir ta’ migranti u jinsisti li jingħataw ir-riżorsi u l-appoġġ meħtieġ.

1.3.

Il-KESE jemmen li s-sitwazzjoni attwali teħtieġ li l-UE tistabbilixxi sistema Ewropea ta’ ażil verament komuni bbażata fuq proċeduri armonizzati madwar l-UE. Dan jinkludi status uniformi ta’ ażil u rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ ażil, responsabbiltà u sforzi kondiviżi fir-rigward tar-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, u Regolament ta’ Dublin rivedut. Jinħtieġu sistemi solidari u robusti ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet, u, fuq kollox, soluzzjoni permanenti, ġusta u vinkolanti għad-distribuzzjoni ta’ dawk li jkunu qed ifittxu protezzjoni fil-pajjiżi kollha tal-UE. Barra minn hekk, għandhom jinstabu wkoll soluzzjonijiet dejjiema f’każ li l-migrazzjonijiet tal-massa jissoktaw jew jerġgħu jseħħu fil-futur.

1.4.

L-Ewropa għandha popolazzjoni li qed tixjieħ u tiffaċċja nuqqas ta’ ħiliet, li jistgħu jiġu indirizzati permezz tal-migrazzjoni. Madankollu l-UE jrid ikollha politika ta’ immigrazzjoni aktar effettiva fis-seħħ. L-UE għandha tfassal politika ta’ migrazzjoni legali komprensiva maħsuba biex tilqa’ l-ewwel ġenerazzjonijiet, li hija trasparenti, prevedibbli u ġusta. Fl-istess ħin, għandu jiġi rikonoxxut li l-immigrazzjoni mhijiex l-uniku rispons għan-nuqqas ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol u l-isfidi demografiċi. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw soluzzjonijiet iktar adatti.

1.5.

L-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati hija sfida sinifikanti ħafna li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġu jikkonfrontaw billi jibnu sistemi ta’ integrazzjoni robusti. Il-KESE jqis li l-ispiża tan-nonintegrazzjoni taqbeż bil-kbir l-ispiża tal-integrazzjoni. Il-KESE, bl-impenn tiegħu għal żmien twil għall-Forum ta’ Integrazzjoni/Migrazzjoni Ewropew, jemmen li l-integrazzjoni trid tkun proċess li ġej miż-żewġ naħat fejn is-sħab soċjali, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili kollha jaqdu rwol essenzjali. Għandha tingħata prijorità lill-aċċess għas-suq tax-xogħol u, b’mod aktar speċifiku, lir-rikonoxximent tal-kwalifiki u t-taħriġ professjonali u fil-lingwi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-integrazzjoni tan-nisa.

1.6.

L-UE trid tagħmel il-fruntieri esterni tagħha siguri. Minħabba s-sitwazzjoni attwali kumplessa ta’ sigurtà, jeħtieġ li jsir sforz Ewropew aktar milli sforz nazzjonali, li jista’ jinvolvi li jkunu kondiviżi xi kompetenzi nazzjonali f’dan il-qasam.

1.7.

Il-politiki esterni kollha tal-UE jridu jkunu simplifikati u jiffukaw fuq l-għajnuna għall-pajjiżi ta’ oriġini biex jilħqu livell raġonevoli ta’ sigurtà tal-bniedem, stabbiltà u prosperità. Il-KESE huwa konxju sew li dan huwa għan fit-tul mimli diffikultajiet enormi.

1.8.

Huwa meħtieġ li tiġi infurzata l-kooperazzjoni fil-qasam tar-riammissjoni biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u f’waqtha tad-Direttiva ta’ Ritorn.

1.9.

Is-soċjetà ċivili taqdi rwol vitali fl-immaniġġjar tal-kriżi tal-migrazzjoni, pereżempju billi tipprovdi l-ewwel rispons neċessarju lill-migranti meta jaslu u billi torganizza l-attivitajiet li jirriżultaw sabiex il-migranti jiġu integrati fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. Huwa essenzjali li l-gvernijiet, l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaħdmu lejn il-ħolqien ta’ kunsens kulturali u soċjali fost in-nazzjonijiet Ewropej li huwa importanti u ta’ benefiċċju biex jinvestu fl-integrazzjoni tal-immigranti fis-soċjetà u s-suq tax-xogħol.

1.10.

Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iżidu l-finanzjament u l-appoġġ materjali għall-NGOs nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.11.

Ir-riżorsi finanzjarji korrispondenti għandhom jiġu applikati b’mod konġunt mill-komunità internazzjonali kollha. F’dan il-kuntest għandu jiġi ċċarat li n-nefqa mġarrba mill-Istati Membri fir-rigward tal-akkoljenza u l-integrazzjoni ta’ dawk li jfittxu l-asil u tar-refuġjati mhijiex dejjiema jew strutturali u, għalhekk, ma għandhiex tiġi inkluża fil-kalkolu tad-defiċit baġitarju strutturali. L-applikazzjoni tar-riżorsi meħtieġa m’għandhiex tkun għad-detriment ta’ mezzi eżistenti għal objettivi soċjali fl-UE. Dan jista’ jixħet dubju fuq l-aċċettazzjoni minn partijiet tal-popolazzjoni.

2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-aħħar żviluppi

2.1.

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Komunikazzjoni tagħha dwar “Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” fit-13 ta’ Mejju 2015. Din il-komunikazzjoni u l-proposti ta’ implimentazzjoni li rriżultaw minnha kienu ġew sussegwentement diskussi minn diversi formazzjonijiet tal-Kunsill bejn Ġunju u Ottubru. Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u jqisha komprensiva u li tiffoka wkoll fuq punti essenzjali.

2.2.

L-implimentazzjoni tal-inizjattivi proposti fl-Aġenda għadha għaddejja u ħafna mill-Istati Membri gradwalment qed jirrealizzaw li hija biss l-azzjoni kollettiva bbażata fuq il-prinċipji ta’ solidarjetà u responsabbiltà kondiviża li tista’ twassal għal ġestjoni effettiva tal-isfida tal-migrazzjoni. L-azzjoni effettiva teħtieġ il-mobilizzazzjoni ta’ aktar riżorsi mill-baġit tal-UE, kif ukoll żieda fil-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri. F’dan il-kuntest għandu jiġi ċċarat li n-nefqa mġarrba mill-Istati Membri fir-rigward tal-akkoljenza u l-integrazzjoni ta’ dawk li jfittxu l-asil u tar-refuġjati mhijiex dejjiema jew strutturali u, għalhekk, ma għandhiex tiġi inkluża fil-kalkolu tad-defiċit baġitarju strutturali.

2.3.

F’termini ta’ finanzjament, l-UE ttriplikat ir-riżorsi u l-assi għall-operazzjonijiet konġunti tal-Frontex, il-Poseidon u t-Triton. Flimkien ma’ din iż-żieda, qed jintużaw assi (bastimenti u inġenji tal-ajru) minn diversi Stati Membri. Il-Kummissjoni Ewropea allokat ukoll EUR 1,8 biljun mill-baġit tal-UE biex jitwaqqaf Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-istabbiltà u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari fl-Afrika, immobilizzat EUR 60 miljun f’fondi ta’ emerġenza għall-Istati Membri l-aktar esposti, ipproponiet skema ta’ risistemazzjoni ta’ EUR 50 miljun, u rrilaxxat EUR 30 miljun għall-Programm Reġjonali għall-Iżvilupp u l-Protezzjoni.

2.4.

Il-mexxejja tal-UE wiegħdu aktar riżorsi għall-Frontex, l-Europol u l-EASO sabiex jissaħħu l-fruntieri esterni tal-UE, filwaqt li enfasizzaw b’mod partikolari l-“hotspots” biex jiżguraw l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba’ tal-migranti. Madankollu huwa meħtieġ l-appoġġ finanzjarju tal-UE biex jiżgura li l-“hotspots” joperaw b’effiċjenza u jilħqu l-mira tagħhom.

2.5.

Fil-laqgħat tal-Kunsill f’Lulju u Settembru, intlaħqu ftehimiet dwar ir-rilokazzjoni ta’ 160 000 migrant mill-Greċja u l-Italja u r-risistemazzjoni ta’ 22 000 persuna oħra li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. L-implimentazzjoni b’suċċess ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li tinsab fil-fażi inizjali tagħha, hija kruċjali għas-suċċess ta’ kwalunkwe politika futura ta’ migrazzjoni tal-UE.

2.6.

Fit-23 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea adottat 40 deċiżjoni ta’ ksur kontra bosta Stati Membri talli naqsu milli jimplimentaw il-leġislazzjoni li tistabbilixxi s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Il-KESE jilqa’ din id-deċiżjoni iżda huwa mħasseb ħafna dwar li kellha tirrikorri għal dan il-mekkaniżmu biex tikkonvinċi lill-Istati Membri biex jimplimentaw kif xieraq il-liġi tal-UE f’dan il-qasam kruċjali.

2.7.

Fuq il-front internazzjonali, diversi deċiżjonijiet jistgħu potenzjalment iwasslu għal titjib fis-sitwazzjoni ġenerali. Dawn jinkludu ż-żieda tar-riżorsi baġitarji tal-UE għall-għajnuna immedjata għar-refuġjati, it-tisħiħ tad-djalogu u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux membri bħal-Libanu, il-Ġordan u t-Turkija u l-pajjiżi kandidati fil-Balkani tal-Punent, kif ukoll iż-żieda fl-għajnuna umanitarja fl-2016 u l-istabbiliment tal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika. L-applikazzjoni tar-riżorsi meħtieġa m’għandhiex tkun għad-detriment ta’ mezzi eżistenti għal objettivi soċjali fl-UE. Dan jista’ jixħet dubju fuq l-aċċettazzjoni minn partijiet tal-popolazzjoni. Il-KESE jilqa’ l-approvazzjoni tal-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ Settembru 2015 tal-Pjan ta’ Azzjoni konġunt mat-Turkija bħala parti minn aġenda ta’ kooperazzjoni komprensiva bbażata fuq responsabbiltà kondiviża, impenji reċiproċi u twettiq.

3.   Nindirizzaw il-kriżi

3.1.   Azzjoni immedjata

3.1.1.

Il-kunċett ta’ fruntieri intelliġenti huwa milqugħ u ilu li jmissu daħal fis-seħħ. L-isfida ewlenija marbuta ma’ fruntieri aktar b’saħħithom u aktar intelliġenti hija li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti ma jinkisrux. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ non-refoulement m’għandux jiddgħajjef anke jekk jista’ jkun ta’ sfida peress li d-distinzjoni bejn refuġjati u migranti ekonomiċi mhux dejjem tkun ċara u sempliċi. Il-fruntieri intelliġenti jridu dejjem jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

3.1.2.

Il-ftehim ta’ Schengen huwa wieħed mill-pilastri tal-UE u għandu aktar minn sinifikat simboliku għall-integrazzjoni Ewropea. Huwa wieħed mill-aktar drittijiet tanġibbli li jgawdu ċ-ċittadini Ewropej, li jagħti esperjenza reali ta’ Ewropa mingħajr fruntieri. Il-KESE jixtieq li l-operazzjoni tas-sistema ta’ Schengen terġa’ lura għan-normal mill-iktar fis u jħeġġeġ bil-qawwa li l-Istati Membri kkonċernati jieħdu l-passi kollha possibbli għall-prevenzjoni ta’ kollass permanenti tas-sistema.

3.1.3.

S’issa ntlaħaq ftehim dwar ir-rilokazzjoni ta’ 160 000 refuġjat fl-UE. Bl-implimentazzjoni rapida ta’ dan il-Ftehim ikunu jistgħu jinġabru ħafna esperjenzi siewja biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet fit-tul f’każ ta’ flussi kbar ta’ persuni li jissoktaw jew jerġgħu jseħħu fil-futur.

3.1.4.

Huwa fl-interess tal-Istati Membri li, jekk il-migrazzjonijiet tal-massa jkomplu fil-ġejjieni, tiġi implimentata sistema ta’ soluzzjonijiet soda, ibbażata fuq is-solidarjetà. Miżura immedjata għandha tkun sistema permanenti, ġusta u vinkolanti għall-kondiviżjoni tal-piżijiet, fejn dawk li jkunu qed ifittxu protezzjoni jiġu allokati bejn il-pajjiżi kollha tal-UE. Dan irid jiġi appoġġat minn element ta’ distribuzzjoni permanenti bbażat fuq numru ta’ kunsiderazzjonijiet bħad-daqs ekonomiku u territorjali, il-PDG, l-opportunitajiet ta’ xogħol u n-nuqqas ta’ ħiliet, l-eżistenza ta’ komunitajiet konazzjonali/etniċi u l-minoranzi fil-pajjiż ospitanti. Element ta’ tqassim bħal dan għandu jiġi eżaminat perjodikament. Il-preferenzi tal-persuna li qed tfittex l-ażil għandhom jitqiesu wkoll sakemm dawn ikunu marbuta ma’ kunsiderazzjonijiet li jiffaċilitaw l-integrazzjoni (pereżempju l-għarfien tal-lingwa, il-familja fil-pajjiż, eċċ.). Nittamaw li dan itemm il-laqgħat kontinwi u diskordanti tal-Kunsill li tappnu r-reputazzjoni tal-Ewropa.

3.1.5.

Il-KESE jilqa’ l-proposta biex jiġi attivat il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili u jiġu mmobilizzati Timijiet ta’ Appoġġ għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni kif ukoll Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri li jgħinu lill-Istati Membri jimmaniġġjaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

3.1.6.

Il-KESE jilqa’ wkoll iż-żieda fil-finanzjament tal-UE għall-Frontex, l-EASO u l-Europol għall-2015 u ż-żieda ta’ EUR 600 miljun għat-tliet aġenziji għall-2016 biex jgħinu lill-Istati l-aktar milquta. Dawn l-isforzi jeħtieġ li jiġu kkumplementati minn politika ta’ ritorn effettiva. Bħalissa madwar 38 % biss ta’ dawk li nstabu li ma kinux jeħtieġu protezzjoni ġew irritornati lejn pajjiżhom.

3.1.7.

L-UE teħtieġ li torbot dejjem aktar l-għajnuna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma’ riformi interni kif ukoll tħeġġeġ kooperazzjoni effettiva fuq kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, b’mod partikolari l-migrazzjoni legali (li tinkludi moviment temporanju/viżi) u l-politika tar-ritorn. Madankollu, huwa importanti li l-Istati Membri tal-UE jonoraw l-impenn tagħhom li jallokaw 0,7 % tad-dħul nazzjonali gross (DNG) tagħhom għall-għajnuna għall-iżvilupp.

3.1.8.

Il-KESE jilqa’ l-proposta biex jiżdiedu sforzi diplomatiċi sabiex jiġu involuti l-pajjiżi ta’ oriġini u l-pajjiżi ta’ tranżitu fi sforz kooperattiv biex tiġi indirizzata l-isfida. L-ewwel appuntament f’dan l-isforz kien is-summit dwar il-migrazzjoni li sar fil-Belt Valletta fil-11 u t-12 ta’ Novembru 2015.

3.1.9.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-UE teħtieġ li tisma’ daqs kemm teħtieġ li tkellem lis-sħab tagħha u li hemm bżonn li tittrattahom bħala tali. Għadhom jipprevalu ħafna ideat żbaljati u perċezzjonijiet differenti bejn l-UE u s-sħab tagħha fl-Afrika u l-Lvant Nofsani, kemm rigward l-objettivi li għandhom jintlaħqu kif ukoll il-mezzi biex jintlaħqu.

3.1.10.

Il-KESE jilqa’ l-wegħda tal-UE biex tkompli taħdem aktar mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNHCR, l-UNDP, l-IOM u s-Salib l-Aħmar. Madankollu josserva li ħafna Stati Membri tal-UE ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom, pereżempju l-istat traġiku ta’ appoġġ għall-Programm Dinji tal-Ikel.

3.1.11.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-proposta tal-Kummissjoni biex fl-2016 l-għajnuna umanitarja tiżdied bi EUR 300 miljun biex jintlaħqu l-ħtiġijiet essenzjali tar-refuġjati.

3.1.12.

Il-KESE jappoġġja l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-ażil. Skont l-Artikolu 78 tat-TFUE, l-UE għandha tiżviluppa politika komuni dwar il-protezzjoni internazzjonali, li tinkludi “status uniformi … validu fl-Unjoni kollha”. Jekk dan l-istatus għal madwar l-UE kollha ma jingħatax minn aġenzija tal-UE, l-unika alternattiva hija r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet nazzjonali.

3.1.13.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-impenn tal-Kummissjoni biex tissottometti proposti għal riforma tar-Regolament ta’ Dublin sa Marzu 2016. Jappoġġja wkoll l-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta pakkett ġdid dwar il-migrazzjoni legali fl-istess ħin, inkluż Direttiva riveduta tal-Karta Blu.

3.1.14.

Il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE għandha tkun sforz kondiviż li fih l-Istati Membri jgħaqqdu r-riżorsi fiżiċi u intellettwali.

3.1.15.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ it-twaqqif immedjat ta’ “hotspots”. Madankollu, dawn irid ikollhom il-persunal sħiħ meħtieġ u għandhom jingħataw ir-riżorsi kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jiffunzjonaw b’mod effettiv. F’postijiet bħall-Italja u l-Greċja fejn qed jaslu eluf ta’ migranti kuljum, il-ġbir flimkien sinifikanti ta’ riżorsi finanzjarji u fiżiċi biss jista’ jipprevjeni kaos totali.

3.1.16.

Il-KESE jaqbel mat-tħassib serju tal-UNHCR dwar il-proċess ta’ reġistrazzjoni u ta’ għażla fis-seħħ fil-“hotspots” hekk kif jaslu l-immigranti fil-fruntieri tal-UE.

3.2.   Azzjoni fit-tul

3.2.1.

L-UE tista’ biss tnaqqas il-flussi migratorji għal proporzjonijiet li jistgħu jiġu ġestiti jekk tkun involuta b’mod sinifikanti fir-riżoluzzjoni tal-ħafna problemi li qed jaffettwaw lill-pajjiżi ta’ oriġini. L-għan fit-tul li tinkiseb l-istabbiltà, il-paċi u l-prosperità ser jitlob sforz bla preċedent, mhux biss mill-Ewropa iżda mill-komunità internazzjonali kollha kemm hi. L-UE trid tfittex li ssaħħaħ l-isforzi internazzjonali, partikolarment permezz tan-NU.

3.2.2.

Jeħtieġ li l-UE testendi l-preżenza istituzzjonali tagħha fil-pajjiżi ewlenin ta’ oriġini u ta’ tranżitu billi twaqqaf ċentri ta’ migrazzjoni speċifiċi bħala faċilitajiet ta’ pproċessar temporanji jew permanenti għall-applikazzjonijiet għall-ażil. Hemm bżonn aktar iffukar u assistenza teknika f’pajjiżi bħall-Alġerija, il-Marokk, il-Mali, il-Libja, il-Libanu u t-Turkija.

3.2.3.

Il-KESE jemmen li wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Aġenda huwa li tniedi politika ta’ migrazzjoni tal-UE li tagħmel il-migrazzjoni legali possibbli, filwaqt li tistimola l-integrazzjoni effettiva tal-migranti. Il-KESE qed jistenna l-ewwel proposti leġislattivi u ta’ politika f’dawn l-oqsma, u jinsab lest li jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fl-isforzi tagħha biex tiżviluppa dawn il-proposti.

3.2.4.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw bis-sħiħ u jimplimentaw b’mod attiv il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 u jirreżistu l-pressjoni biex inaqqsu l-livell ta’ protezzjoni u servizzi mogħtija lir-refuġjati.

3.2.5.

Il-KESE jappoġġja politika komuni ta’ ażil ibbażata fuq proċeduri simplifikati u komuni. Politika bħal din trid tkun ibbażata wkoll fuq definizzjoni komuni tal-istatus tar-refuġjati u d-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus sabiex jiġi evitat li r-refuġjati jfittxu l-“aħjar trattament”.

3.2.6.

Is-sistema ta’ Informazzjoni tal-Pajjiżi ta’ Oriġini (COI) teħtieġ aktar żvilupp. L-applikazzjonijiet għall-ażil minn ċittadini li ġejjin mill-istess stati u li x’aktarx jiffaċċjaw sitwazzjoni simili ta’ spiss ikollhom riżultati differenti. Is-sistema fis-seħħ għandha tkun flessibbli u affidabbli biżżejjed għar-riċerka u tipproċessal-iżviluppi fil-pajjiżi ta’ oriġini f’ħin reali. Il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-Istati Membri għandha tissaħħaħ kontinwament, għax huma sors ta’ informazzjoni importanti.

3.2.7.

Għandha tingħata prijorità akbar lill-organizzazzjoni tal-migrazzjoni legali u politika tal-viża, id-diġitalizzazzjoni tal-proċess, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-kisba ta’ mobilità edukattiva.

3.2.8.

L-UE għandha tkun aktar involuta fil-ġestjoni tar-ritorn u l-appoġġ għall-miżuri ta’ riintegrazzjoni. Il-proġett pilota dwar ir-ritorn lejn il-Pakistan u l-Bangladesh huwa ta’ rilevanza limitata għas-sitwazzjoni attwali ta’ emerġenza. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu ppjanati u implimentati proġetti simili, b’finanzjament u appoġġ istituzzjonali xierqa.

3.2.9.

It-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-fruntieri fil-pajjiżi ta’ tranżitu, it-titjib tar-rondi marittimi u l-qerda tal-bastimenti tat-traffikanti jistgħu jgħinu iżda mhumiex l-uniku mezz sostenibbli biex tiġi indirizzata l-problema. L-UE tkun qabdet it-triq it-tajba meta tieħu approċċ komprensiv li jagħmel użu aħjar mid-diversi strumenti u r-riżorsi sinifikanti li għandha.

3.3.   Is-soċjetà ċivili

3.3.1.

Is-soċjetà ċivili taqdi rwol kruċjali fl-indirizzar tal-kriżi tal-migrazzjoni. L-atturi tas-soċjetà ċivili jistgħu jipprovdu għajnuna essenzjali billi jfornu l-ewwel reazzjonijiet meħtieġa lill-migranti hekk kif jaslu. Madankollu, is-soċjetà ċivili potenzjalment għandha rwol aktar importanti x’taqdi fir-rigward tal-isforz fit-tul meħtieġ biex il-migranti jiġu integrati fis-soċjetà. Is-soċjetà ċivili tista’ tadotta r-reazzjonijiet mill-persuni għall-persuni li huma tant kruċjali fl-istadji kollha fl-akkoljenza u l-insedjament tar-refuġjati.

3.3.2.

Il-KESE jfaħħar is-solidarjetà murija minn partijiet tas-soċjetà ċivili u individwi privati li volontarjament assistew lill-applikanti għall-ażil. Madankollu, din ir-reazzjoni pożittiva u spontanja mhijiex suffiċjenti biex tkun tista’ tittratta b’mod effettiv l-isfidi li nħolqu. Il-KESE jitlob lill-Istati Membri tal-UE jirrikonoxxu u japprezzaw ir-rwol li għandha s-soċjetà ċivili billi jżidu l-għajnuna tagħhom lill-NGOs nazzjonali u s-soċjetà ċivili sabiex jiżguraw rispons aktar strutturat u effettiv. Il-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom responsabbiltà speċjali biex jidentifikaw u jingħaqdu mas-soċjetajiet ċivili fit-territorji tagħhom, u biex iżidu l-għajnuna biex jiġi żgurat li l-kapaċitajiet tagħhom jiżdiedu.

3.3.3.

Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel sforzi biex tipprovdi lill-Istati Membri b’aktar riżorsi permezz tal-ftehimiet ta’ sħubija tagħhom fir-rigward tal-fondi strutturali biex jiggwidaw aktar fondi tal-FSE u tal-FEŻR lejn il-ġestjoni tal-flussi migratorji u l-isforz tal-integrazzjoni. L-NGOs u l-organizzazzjonijiet involuti fil-livell prattiku għandhom ikunu r-riċevituri ewlenin ta’ dawn il-fondi. Dawn għandhom ikunu lil hinn mill-fondi li attwalment qed jiġu pprovduti taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni.

3.3.4.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni fuq il-Forum Ewropew għall-Migrazzjoni, li jiret post il-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni li nħoloq fl-2009 mill-KESE u l-Kummissjoni Ewropea. Il-forum huwa pjattaforma għal djalogu bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u s-soċjetà ċivili fl-oqsma tal-immigrazzjoni, l-ażil u l-integrazzjoni tal-migranti.

4.   L-integrazzjoni fis-soċjetà u s-swieq tax-xogħol

4.1.

Il-KESE jqis li huwa importanti u rilevanti ħafna li jiġi żgurat li jkun hemm sistema trasparenti, prevedibbli u ġusta tal-migrazzjoni legali lejn l-UE. Il-popolazzjoni tal-Ewropa qed tixjieħ u qed tikber biss b’madwar 0,2 % fis-sena, li huwa ferm taħt il-livell ta’ sostituzzjoni. Huwa stmat li l-Ewropa se titlef mat-30 miljun persuna tal-età tax-xogħol sal-2050 u sakemm ma ssirx xi ħaġa malajr, il-proporzjonijiet ta’ dipendenza f’ħafna Stati Membri tal-UE se jkomplu jiżdiedu b’rata mgħaġġla, il-produttività se tonqos, il-kumpaniji se jagħlqu u l-ispejjeż għaż-żamma tas-servizzi, b’mod partikolari għall-popolazzjoni li qed tixjieħ, se jiżdiedu b’mod sinifikanti.

4.2.

Permezz ta’ azzjoni kollettiva u organizzata bbażata fuq is-solidarjetà, l-UE tista’ tittrasforma s-sitwazzjoni attwali f’opportunità biex treġġa’ lura x-xejra demografika attwali u l-effetti soċjoekonomiċi tagħha. L-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol twassal għal tkabbir ekonomiku u tappoġġja l-indipendenza tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-politiki li jittraskuraw l-integrazzjoni jċaqilqu l-piż tal-appoġġ tal-migranti għal fuq is-servizzi pubbliċi u jistgħu jwasslu għal inkwiet soċjali b’implikazzjonijiet konsiderevoli.

4.3.

Il-KESE jagħraf li l-integrazzjoni tiddependi ħafna mill-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Madankollu, hemm għadd ta’ fatturi marbuta mal-impatt tal-immigrazzjoni fuq is-suq tax-xogħol li għandhom jiġu spjegati. Dawn jinkludu l-impatt tal-immigranti fuq il-livell tal-pagi, id-disponibbiltà tal-impjiegi, il-pressjoni fuq is-sistema fiskali (is-saħħa u l-edukazzjoni) u l-effetti tal-multikulturaliżmu.

4.4.

Il-Kumitat diġà fassal opinjoni esploratorja (1) li kienet il-bażi għall-preparazzjoni tal-Konferenza Ministerjali ta’ Zaragoza fl-2010 (2), li adottat dikjarazzjoni importanti dwar l-integrazzjoni ta’ migranti fis-suq tax-xogħol u l-isfidi għall-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali u s-sħab soċjali.

4.5.

L-istudji juru li b’mod ġenerali, il-migranti jikkontribwixxu aktar milli jieħdu mill-ekonomija, l-impatt tagħhom fuq is-sistemi fiskali huwa minimu u li dawn jgħinu lill-Ewropa tindirizza d-defiċit demografiku tagħha u jistimulaw it-tkabbir ekonomiku. Madankollu, l-effetti tal-migrazzjoni ma jkollhomx impatt fuq ir-reġjuni kollha tal-Ewropa bl-istess mod u jeħtieġ li jiġu vvalutati bir-reqqa għall-impatt tagħhom fil-livell lokali. Barra minn hekk, hemm differenza kbira bejn il-wasla fl-ordni ta’ migranti bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ politika u mewġa f’daqqa ta’ eluf ta’ migranti deħlin, li jkun diffiċli biex jiġu mmaniġġjati u jitfgħu pressjoni fuq l-istrutturi lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ġara fl-aħħar ġimgħat.

4.6.

L-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol tiddependi fuq numru ta’ fatturi bħal-livell ta’ qgħad fil-pajjiżi ospitanti, il-ħiliet tal-migranti, il-livell ta’ ħiliethom, il-preparazzjoni qabel id-dħul f’termini ta’ kapaċitajiet lingwistiċi u taħriġ formali u l-organizzazzjonijiet, l-istrutturi li huma stabbiliti fil-pajjiżi ospitanti sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-immigranti, inklużi r-refuġjati, fis-suq tax-xogħol. Huwa f’dawn l-oqsma li s-soċjetà ċivili għandha rwol kruċjali x’taqdi.

4.7.

Madankollu, hemm fatturi oħra li jfixklu l-integrazzjoni mgħaġġla, bħar-rikonoxximent tal-kwalifiki, l-ostakli burokratiċi, in-nuqqas ta’ trasparenza, il-perċezzjonijiet żbaljati pubbliċi dwar il-migranti, l-isfruttament u l-ostakli legali ppreżentati minn liġijiet skaduti u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni jew it-traspożizzjoni bil-mod tal-leġislazzjoniet tal-UE.

4.8.

It-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fl-indirizzar tal-isfida tal-integrazzjoni tal-immigranti fis-suq tax-xogħol. Il-KESE jirrakkomanda li s-sħab soċjali jkunu involuti b’mod sħiħ fl-abbozzar, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u s-segwitu dwar il-politika ta’ integrazzjoni u l-miżuri relatati fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej.

4.9.

Il-Gvern, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-sħab soċjali jridu jaħdmu flimkien biex jiksbu kunsens soċjali dwar il-modi u l-mezzi ta’ integrazzjoni tal-migranti fl-ekonomija u s-soċjetà, fuq kollox biex ma jkunx hemm ġlieda bejn gruppi żvantaġġjati differenti.

4.10.

Is-soċjetà ċivili taqdi rwol kruċjali fl-għoti tal-għajnuna lill-migranti biex jiksbu aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg, u fl-isfida kontra d-diskriminazzjoni fis-settur edukattiv, is-suq tax-xogħol u s-soċjetà kollha kemm hi.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 16.

(2)  http://www.integrim.eu/wp-content/uploads/2012/12/Report-20101.pdf, https://www.uclm.es/bits/archivos/declaracionzaragoza.pdf.


24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’ każ ta’ kriżi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida”

[COM(2015) 450 final — 2015/0208(COD)]

(2016/C 071/09)

Relatur:

is-Sur Cristian PÎRVULESCU

Nhar is-16 ta’ Settembru 2015 u nhar il-21 ta’ Ottubru 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar

“Proposta għal Regolament tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida”

[COM(2015) 450 – final 2015/0208/(COD)].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tal-10 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’152 vot favur, 6 voti kontra u 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-kriżi tar-refuġjati fl-UE laħqet punt fejn qed jiġu ddubitati l-prinċipji bażiċi tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Minkejja d-diffikultajiet, il-KESE jemmen bil-qawwa li dawn il-prinċipji għandhom jiġu rispettati u implimentati kif suppost.

1.2.

Il-KESE jemmen li t-tendenzi lejn is-sovranità ta’ xi gvernijiet u l-perċezzjonijiet negattivi ta’ numru dejjem ikbar ta’ ċittadini dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati jistgħu jkunu limitati permezz ta’ sforz wiesa’ u meħtieġ biex jiġu mħarsal-valuri Ewropej ewlenin u l-kisbiet istituzzjonali tal-UE. F’dawn is-sitwazzjonijiet eċċezzjonali, neħtieġu aktar Ewropa, aktar demokrazija u aktar solidarjetà.

1.3.

Il-kriżi tar-refuġjati attwali, għalkemm prevedibbli, seħħet minħabba n-nuqqas ta’ politika komuni dwar l-asil, li d-dewmien tagħha kien dovut għan-nuqqas ta’ azzjoni politika komuni Ewropea. F’dan il-kuntest, il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew biex jimplimentaw l-Artikolu 67(2) u l-Artikolu 78 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-UE biex toħloq politika tal-asil ġenwina.

1.4.

Il-KESE konsistentement enfasizza l-ħtieġa għal solidarjetà, responsabbiltà u azzjoni komuni, kif ukoll iċ-ċentralità tad-drittijiet fundamentali.

1.5.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi li saru mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkoordina rispons komuni għall-kriżi tar-refuġjati, inkluż il-laqgħa tal-mexxejja dwar flussi ta’ rifuġjati tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent.

1.6.

Il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ta’ kriżi huwa eżempju konkret ta’ kooperazzjoni bbażata fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà. Madankollu, il-KESE jixtieq li jkollu dan il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni u inizjattivi oħra simili inklużi bħala parti minn strateġija ġenerali sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-effiċjenza. B’mod partikolari, jinħtieġu sistemi solidari u robusti ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet, u, fuq kollox, soluzzjoni permanenti, ġusta u vinkolanti għad-distribuzzjoni ta’ dawk li jkunu qed ifittxu protezzjoni fil-pajjiżi kollha tal-UE.

1.7.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE iridu jappoġġjaw b’mod attiv lill-gvernijiet tal-Istati Membri sabiex jipprovdu l-kundizzjonijiet u l-prospetti adatti għall-integrazzjoni tal-applikanti għall-asil rilokati. Fost affarijiet oħra, f’dan il-kuntest għandu jiġi ċċarat li n-nefqa mġarrba mill-Istati Membri fir-rigward tal-akkoljenza u l-integrazzjoni ta’ dawk li jfittxu l-asil u tar-refuġjati mhijiex dejjiema jew strutturali u, għalhekk, ma għandhiex tiġi inkluża fil-kalkolu tad-defiċit baġitarju strutturali.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-kriżi tar-rifuġjati attwali tirrappreżenta kemm sfida amministrattiva – peress li d-daqs ta’ dan il-fenomenu huwa mingħajr preċedent – kif ukoll sfida legali. L-UE laħqet punt fejn qed jiġu ddubitati l-prinċipji bażiċi tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Ir-rieda tal-Istati Membri li jimplimentaw bis-sħiħ it-trattati internazzjonali ntlaqtet minn mobilità internazzjonali akbar, b’konsegwenza tal-globalizzazzjoni ekonomika. Il-KESE jemmen li t-tendenzi lejn is-sovranità ta’ xi gvernijiet u l-perċezzjonijiet negattivi ta’ numru dejjem ikbar ta’ ċittadini dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati jistgħu jkunu limitati permezz ta’ sforz wiesa’ u meħtieġ biex jiġu mħarsal-valuri Ewropej ewlenin u l-kisbiet istituzzjonali tal-UE. F’dawn is-sitwazzjonijiet eċċezzjonali, neħtieġu aktar Ewropa, aktar demokrazija u aktar solidarjetà.

2.2.

Is-sistema Ewropea tal-asil qiegħda taħt pressjoni konsiderevoli, b’riżultat ta’ kriżijiet multipli. Xi wħud minn dawn jafu l-oriġini tagħhom fil-politika internazzjonali tas-snin 2000 filwaqt li oħrajn huma effetti perversi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja. Dawk l-aktar reċenti, ir-“Rebbiegħa Għarbija”, l-instabilità politika fil-Libja u l-gwerra ċivili fis-Sirja, wasslu direttament għaż-żieda konsiderevoli fin-numru ta’ refuġjati.

2.3.

Is-47 stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa huma marbuta li japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem li, abbażi tal-Artikolu 3 (1) tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, jiżguraw li l-bnedmin kollha huma protetti. F’kuntrast ma’ dan, il-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati tagħti biss protezzjoni għal kategorija speċifika ta’ individwi, kif definit fl-Artikolu 1, u din il-protezzjoni tista’ tintilef iktar faċilment. Madankollu, il-Konvenzjoni tikkunsidra li l-individwi li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali huma intitolati għal għadd ta’ drittijiet. F’xi Stati Membri, pereżempju r-Rumanija, id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali jagħtu preċedenza lit-trattati internazzjonali fuq il-leġislazzjoni nazzjonali. L-Artikolu 18 (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li saret vinkolanti skont l-Artikolu 6 tat-TFUE, jistabbilixxi d-dritt ta’ persuni li jkollhom bżonn protezzjoni internazzjonali.

2.4.

Is-sistema ta’ Dublin qiegħdet b’mod sproporzjonat il-piż tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil fuq għadd ta’ Stati l-aktar esposti (Malta, l-Italja, Ċipru, il-Greċja, Spanja u reċentement, l-Ungerija). Taħt dawn il-kondizzjonijiet sar dejjem aktar diffiċli għal xi Stati Membri biex josservaw fil-prattika l-prinċipji ta’ non-refoulement u l-prinċipji minquxa fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u d-direttivi li jirriżultaw minnha. Minkejja d-diffikultajiet, il-KESE jemmen b’mod qawwi li dawn il-prinċipji għandhom jiġu rispettati u implimentati kif suppost.

2.5.

L-Artikolu 67(2) u l-Artikolu 78 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-UE biex tibni politika tal-asil ġenwina. Fid-dawl ta’ dawn l-artikoli, l-enfasi mhijiex fuq l-abbozzar ta’ regoli minimi, iżda minflok fuq il-ħolqien ta’ sistema komuni li tinkludi proċeduri uniformi. Il-kriżi tar-refuġjati attwali, għalkemm prevedibbli, seħħet minħabba n-nuqqas ta’ politika komuni dwar l-asil, li d-dewmien tagħha kien dovut għan-nuqqas ta’ azzjoni politika komuni Ewropea. F’dan il-kuntest, il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew biex jimplimentaw dawn l-Artikoli.

2.6.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi li saru mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkoordina rispons komuni għall-kriżi tar-rifuġjati, inkluż il-laqgħa tal-mexxejja dwar flussi ta’ rifuġjati tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent. Il-laqgħa laqqgħet il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, kemm tal-UE kif ukoll dawk mhux tal-UE, bil-għan li jikkoordinaw aħjar azzjoni fir-reġjun fi tliet oqsma ewlenin: il-provvediment ta’ kenn, il-ġestjoni tal-flussi migratorji u l-ġestjoni tal-fruntieri (3).

2.7.

Il-KESE jittama li l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi se jgħin lill-UE toqrob b’mod konsenswali lejn sistema li tkun robusta u flessibbli biżżejjed biex tindirizza l-isfidi tal-migrazzjoni fl-għamliet kollha tagħha.

2.8.

Il-KESE konsistentement enfasizza l-ħtieġa għal solidarjetà, responsabbiltà u azzjoni komuni, kif ukoll iċ-ċentralità tad-drittijiet fundamentali. Insista wkoll li għandhom isiru sforzi serji biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati.

2.9.

Il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi huwa eżempju konkret ta’ kooperazzjoni bbażata fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà. Madankollu, il-KESE jixtieq li jkollu dan il-mekkaniżmu u inizjattivi oħra simili inklużi bħala parti minn strateġija ġenerali sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-effiċjenza. B’mod partikolari, jinħtieġu sistemi solidari u robusti ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet, u, fuq kollox, soluzzjoni permanenti, ġusta u vinkolanti għad-distribuzzjoni ta’ dawk li jkunu qed ifittxu protezzjoni fil-pajjiżi kollha tal-UE. L-“Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” tal-Kummissjoni Ewropea hija pass pożittiv f’din id-direzzjoni.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Kwalunkwe Stat Membru li ma jipparteċipax fil-mekkaniżmu għandu jispjega r-raġunijiet tiegħu. Jekk il-motivazzjoni hija primarjament finanzjarja jew minħabba nuqqas ta’ preparazzjoni għar-riċeviment tal-applikanti għall-asil, għandha ssir dispożizzjoni għal xi appoġġ finanzjarju bil-quddiem.

3.2.

L-appoġġ tal-UE lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jittrattaw il-kriżi tar-refuġjati u l-integrazzjoni tal-migranti għadu insuffiċjenti. Regoli u proċeduri burokratiċi jxekklu l-kapaċità tagħhom biex jaġixxu b’mod effettiv fuq il-post.

3.3.

Sabiex tiddetermina li teżisti kriżi, il-KE għandha tqis jekk is-sitwazzjoni hija tali li Stat Membru b’“sistema tal-asil mħejjija sew” xorta ma jkunx jista’ jindirizza s-sitwazzjoni. Dan kif jiġi definit? X’inhuma l-kriterji sabiex sistema tal-asil tiġi deskritta bħala “imħejjija sew”? Il-proposta tagħti xi kriterji li l-KE tista’ tikkunsidra, iżda dawn huma flessibbli u huma deskritti bħala “inter alia”.

3.4.

Il-proposta mhix speċifika biżżejjed rigward it-tqabbil tal-preferenzi tal-Istat Membru benefiċjarju, l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, u l-applikanti. Mhuwiex ċar kif dan ser jaħdem fil-prattika.

3.5.

Huwa rakkomandat li jkun hemm disponibbli informazzjoni rilevanti u konsulenza lill-applikanti, provduti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri benefiċjarji u l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni.

3.6.

Mhuwiex ċar kif l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni jitħeġġeġ biex jirċievi u jintegra sew l-applikanti rilokati. Il-qagħda tal-infrastruttura, id-disponibilità tas-servizzi, eż. edukattivi jew mediċi, u l-allokazzjonijiet finanzjarji ser jinfluwenzaw ir-rieda tal-applikanti li jiġu rilokati għal pajjiż speċifiku. Il-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE iridu jappoġġjaw b’mod attiv lill-gvernijiet tal-Istati Membri sabiex jipprovdu l-kundizzjonijiet u l-prospetti adatti għall-integrazzjoni tal-applikanti rilokati.

3.7.

Jeħtieġ li l-proposta tkun aktar speċifika f’dan ir-rigward u tistabbilixxi proċedura għall-evalwazzjoni u t-tħeġġiġ tal-iżvilupp ta’ infrastruttura u servizzi fil-qasam tal-asil fl-Istati Membri kollha.

3.8.

Is-sistema trid takkomoda sa ċertu punt il-preferenzi ta’ min ifittex l-asil għal Stati Membri ta’ rilokazzjoni speċifiċi. Il-preferenzi jridu jkunu marbuta ma’ prospetti ċari u dimostrabbli għal integrazzjoni b’suċċess (għall-membri tal-familja residenti, l-għarfien ta’ lingwa, u rabta preċedenti mal-pajjiż bħal studji jew negozju).

3.9.

“Ir-rabtiet kulturali” jissemmew bħala element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta persuna tiġi rilokata fi Stat Membru. Il-KESE jqis li dan il-kriterju m’għandux jintuża biex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ persuni li jfittxu l-asil abbażi tar-reliġjon tagħhom.

3.10.

Il-proposta ma tispeċifikax kif l-iskema se taħdem għal pajjiżi bħas-Serbja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li għandhom prospetti ċari ta’ adeżjoni u qed jesperjenzaw influss sinifikanti ta’ migranti u ta’ dawk li jfittxu l-asil.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  “Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.” Barra minn hekk, l-Artikolu 3 huwa relatat mal-asil u l-protezzjoni internazzjonali. It-tkeċċija ta’ persuni li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għall-asil li tkun ġiet miċħuda tista’ tkun problematika fir-rigward tal-Artikolu 2 (Id-dritt għall-ħajja), l-Artikolu 5 (Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà), l-Artikolu 6 (Id-dritt għal proċess imparzjali), l-Artikolu 7 (Ebda piena mingħajr liġi), l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 (Il-projbizzjoni tat-tkeċċija ta’ ċittadini), u l-Artikolu 4 tal-istess Protokoll (Il-projbizzjoni tat-tkeċċija kollettiva ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi). Xi artikoli oħra li ġew invokati: l-Artikolu 8 (Id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja), l-Artikolu 13 (Id-dritt għal rimedju effettiv), l-Artikolu 16 (Ir-restrizzjonijiet fuq l-attività politika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi).

(2)  Id-dritt għall-asil huwa garantit, b’rispett dovut għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati u b’konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

(3)  Ara d-Dikjarazzjoni tal-mexxejja maħruġa wara l-laqgħa.


24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju”

[COM(2015) 337 final – 2015/0148 (COD)]

(2016/C 071/10)

Relatur:

is-Sur PEZZINI

Nhar is-7 ta’ Settembru 2015 u nhar il-21 ta’ Settembru 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 192 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju”

[COM(2015) 337 final – 2015/0148 (COD)].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tad-9 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’138 vot favur, vot wieħed kontra (1) u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat huwa konvint li hija ta’ importanza ċentrali għall-Ewropa r-reindustrijalizzazzjoni sostenibbli bi tkabbir kompetittiv u li tiġġenera impjiegi ġodda u aħjar, u li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tas-CO2 tal-UE għandha titqies f’dan il-kuntest bħala strument ewlieni tal-politika tal-UE għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għall-proċess tad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija globali.

1.2.

Il-Kumitat jemmen li l-iskema tal-iskambju tal-emissjonijiet tal-UE (ETS UE) bħala strument għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE għandha tagħti sinjal tal-prezz tal-karbonju iżda wkoll taffettwa b’mod pożittiv l-investiment sostenibbli f’teknoloġiji ġodda b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju.

1.3.

Skont il-KESE jeħtieġ li s-suq tal-karbonju jsir iżjed stabbli, flessibbli u miftuħ għall-partijiet interessati kbar kollha fil-livell dinji, f’qafas iddettaljat u kkoordinat sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ sistema industrijali tal-manifattura kompetittiva u sostenibbli.

1.4.

Il-Kumitat isostni li l-Kummissjoni għandha ssegwi strettament il-mandat definit mill-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 maqbul mill-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014, b’mod partikolari fl-indikazzjonijiet ċari tagħha dwar id-dispożizzjonijiet ta’ rilokazzjoni tal-karbonju li għandhom jiġu żviluppati fl-iskema ETS UE.

1.5.

Skont il-Kumitat, għandhom jiġu żgurati mekkaniżmi xierqa ta’ tranżizzjoni għas-salvagwardja tal-kompetittività tal-industriji Ewropej u biex jiġu evitati riskji ta’ ħarbiet ta’ investimenti u l-espożizzjoni tal-industriji Ewropej għall-kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi mingħajr strumenti ta’ regolamentazzjoni dwar il-klima li huma komparabbli.

1.6.

Il-KESE jirrakkomanda li jiġi żgurat qafas adegwat ta’ regoli – speċjalment dwar il-livell ta’ allokazzjoni ħielsa, l-ammissibilità ta’ rilokazzjoni tal-karbonju, ir-reviżjoni ta’ parametri ta’ valutazzjonijiet komparattivi, il-kumpens għall-ispejjeż ikkaġunati mill-prezzijiet tal-enerġija elettrika – biex tiġi żgurata b’mod komplet l-allokazzjoni mingħajr ħlas u kumpens sħiħ tal-ispejjeż indiretti fl-Istati Membri kollha f’livell ta’ 10 % tal-impjanti l-aktar effiċjenti f’oqsma esposti għal riskji għolja ta’ rilokazzjoni tal-karbonju.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda l-punti li ġejjin fost dawk li jikkwalifikaw fl-iskema:

l-abolizzjoni tal-fattur korrettiv intersettorjali, għall-ispejjeż diretti;

il-mekkaniżmi armonizzati fuq livell Ewropew għall- kumpens tal-ispejjeż indiretti fl-UE kollha, sabiex tiġi evitata id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (1);

skemi li jippremjaw u ma jippenalizzawx dawk bl-aħjar prestazzjoni, ikun xi jkun il-mod kif titwettaq dik il-prestazzjoni, inkluż il-qbid u l-użu tas-CO2;

l-istabbiliment ta’ punt ta’ riferiment ibbażat fuq informazzjoni industrijali u determinat darba biss fil-bidu tal-perjodu;

l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għal setturi bbażati fuq produzzjonijiet effettivi u mhux storiċi;

il-possibilità ta’ approċċ ta’ riżerva fil-Fażi 4 għall-oqsma mingħajr parametri ta’ riferiment passati;

id-definizzjoni ta’ riskju għal Rilokazzjoni tal-Karbonju aktar flessibbli bil-kriterji kwalitattivi ta’ riskju preżenti mingħajr l-introduzzjoni ta’ valuri ta’ limitu;

l-użu ta’ parti mir-Riżerva tal-Istabilità biex tappoġġja l-eliminazzjoni gradwali ta’ setturi mneħħija mil-Lista ta’ Rilokazzjoni tal-Karbonju;

l-eżenzjoni mill-mekkaniżmu ta’ impjanti żgħar b’emissjonijiet ta’ inqas minn 50 000 t CO2;

l-integrazzjoni sħiħa tad-dimensjoni soċjali fl-iskema ETS UE, sabiex tiġi sostnuta t-tranżizzjoni ta’ proċessi u kompetenzi industrijali u ta’ impjieg lejn ekonomija li ma tużax il-karbonju;

studju dwar kundizzjonijiet għall-estensjoni ta’ mekkaniżmi fejn jiġu ppremjati dawk bl-aħjar rendiment għas-soċjetà ċivili, sabiex jiġi assigurat bonus tal-ETS lill-familji, il-komunitajiet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi li jnaqqsu b’mod konsiderevoli l-konsum tal-enerġija tagħhom li tiġġenera s-CO2 jew jikkumpensaw għall-emissjonijiet b’ investimenti ekoloġiċi ;

studju preliminari, indipendenti, li jidentifika l-aħjar mekkaniżmi għall-funzjonament tal-UE ETS u biex jinkisbu l-miri tal-klima stabbilitii.

1.8.

Il-Kumitat jirrakkomanda, fl-aħħar nett, l-ikbar koerenza possibbli, sinerġija sħiħa, il-livell minimu ta’ duplikazzjoni ta’ rekwiżiti u l-eliminazzjoni tal-burokrazija żejda bejn il-leġislazzjoni l-ġdida għar-reviżjoni tas-sistema tal-UE ta’ skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet u n-normi paralleli u komplimentari li jinteraġixxu magħhom.

1.9.

Il-KESE jemmen li għandu jiġi żgurat qafas għall-iskambju ta’ krediti internazzjonali li għandu jkollhom rwol x’jaqdu fl-ilħuq tal-objettivi usa’ dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-Ewropa, bl-appoġġ ta’ ftehimiet internazzjonali multilaterali u bilaterali.

1.10.

Għaldaqstant, il-KESE jqis importanti li titħejja opinjoni fuq inizjattiva proprja wara l-konklużjoni tal-Konferenza ta’ Pariġi fi tmiem l-2015.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-iskema għall-iskambju tal-emissjonijiet tal-UE (ETS UE) bdiet topera fl-1 ta’ Jannar 2005 u hija waħda mill-aktar strumenti importanti tal-politika għall-klima tal-UE minħabba l-kapaċità tagħha li tiġġieled kontra l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.

2.2.

Mill-bidu nett li ġiet stabbilita l-iskema ETS UE kellha l-għan li sservi ta’ punt ta’ referenza għall-karbonju, li jippermetti li jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-setturi kollha tal-ekonomija Ewropea responsabbli għal madwar nofs l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.

2.3.

Il-KESE dejjem ikkunsidra l-ETS UE bħala strument ewlieni tal-politika għall-klima u l-enerġija tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet industrijali tal-UE u sejjaħ għal riforma ġenwina biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE dwar il-klima għall-2030, filwaqt li tiġi salvagwardjata l-kompetittività industrijali tal-Unjoni u tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-investimenti.

2.4.

Il-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Marzu 2014 talab għal miżuri għall-kumpens sħiħ tal-ispejjeż diretti u indiretti li jinħolqu mill-politiki għall-klima tal-UE, għas-setturi esposti għal kompetizzjoni globali, sakemm ma jintlaħaqx ftehim internazzjonali dwar il-klima li jistabbilixxi kundizzjonijiet indaqs fil-livell dinji.

2.4.1.

Madankollu l-KESE jikkondividi l-osservazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li hemm nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-ETS UE u tagħmel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex jitjiebu l-integrità u l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema, u ssaħħaħ il-kunċett ta’ effiċjenza industrijali li tiżgura l-kompetittività sħiħa tal-ekonomija tal-UE.

2.5.

Fit-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030. Huwa adotta wkoll konklużjonijiet, u b’mod partikolari approva xi objettivi importanti:

objettiv vinkolanti tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra tal-anqas b’40 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030, bi tnaqqis lineari fir-rata annwali mill-1,74 %;

objettiv vinkolanti ta’ konsum ta’ enerġija rinnovabbli tal-anqas b’27 % fl-2030, iżda mingħajr miri vinkolanti għall-Istati Membri;

objettiv indikattiv għat-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija tal-inqas b’27 % fl-2030, mhux vinkolanti, iżda suġġett għal reviżjoni biex jitla’ sa 30 %;

l-appoġġ għat-tlestija urġenti, mhux aktar tard mill-2020, tas-suq intern tal-enerġija bl-ilħuq tal-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjonijiet tal-elettriku eżistenti.

2.5.1.

L-objettiv tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet domestiċi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra tal-anqas b’40 %, approvat formalment fis-sessjoni tal-Kunsill “Ambjent” tas-6 ta’ Marzu 2015, huwa l-bażi tal-kontribut tal-UE għan-negozjati għall-ftehim globali ġdid dwar it-tibdil fil-klima.

2.5.2.

Dawn l-elementi kollha tal-qafas se jiġu rieżaminati perjodikament mill-Kunsill, li se jkompli jipprovdi politika ta’ gwida, kemm fuq is-setturi koperti mill-ETS kif ukoll fuq dawk li mhumiex koperti u dwar l-interkonnessjonijiet u l-effiċjenza tal-enerġija.

2.5.3.

L-istrumenti u l-miżuri għandhom ikunu mmirati biex b’mod komprensiv u teknoloġikament newtrali jippromovu t-tnaqqis tal-emissjonijiet kif ukoll l-effiċjenza tal-enerġija.

2.6.

Fit-13 ta’ Mejju 2015 intlaħaq ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar l-ETS tal-UE b’deċiżjoni dwar riżerva tal-istabilità tas-suq:

fl-2008 ser tiġi stabbilita riżerva għall-istabilità tas-suq li ser tkun operattiva mill-1 ta’ Jannar 2019;

il-kwoti “differiti” – 900 miljun kwota li l-irkantar tagħhom kien pospost mis-snin 2014-16 għall-2019-20) ser jitpoġġew fir-riżerva tas-suq;

fl-2020 il-kwoti mhux allokati ser jiġu trasferiti direttament fir-riżerva għall-istabilità u l-użu futur tagħhom għandu jiġi kkunsidrat fir-rieżami usa’ tal-ETS UE;

il-komponent ta’ solidarjetà ta’ 10 % tal-kwoti ser jibbenefika minn eżenzjoni temporanja mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżerva tal-istabilità tas-suq sal-aħħar tal-2025;

ir-rieżami tal-ETS UE irid iqis l-użu possibbli ta’ numru limitat ta’ kwoti qabel l-2021 biex jissupplimenta r-riżorsi eżistenti għall-promozzjoni tas-CCS (ġbir u ħżin tas-CO2);

ir-rieżamijiet tal-ETS UE u r-riżerva tal-istabilità tas-suq iqisu:

ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 u l-aspetti tal-kompetittività, u

il-kwistjonijiet relatati mal-impjiegi u l-PDG.

2.7.

Fil-qafas tal-istrateġija tal-Unjoni dwar l-enerġija u fid-dawl tal-Konferenza dwar il-klima f’Pariġi, il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ miżuri biex, fost oħrajn, tirrevedi l-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet skont l-istruzzjonijiet maħruġa mill-Kunsill, filwaqt li jitħarsu l-prijoritajiet ta’ riindustrijalizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea u l-kompetittività internazzjonali tas-setturi industrijali l-aktar esposti għar-riskju ta’ rilokazzjoni tal-produzzjoni.

2.8.

Il-miżuri ta’ reviżjoni tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal- emissjonijiet jinvolvu, minbarra l-politika għall-enerġija, ħafna politiki oħra tal-Komunità.

2.9.

Il-KESE nieda studju dwar l-impatt ta’ miżuri ffinanzjati permezz tal-użu ta’ strumenti tal-UE għall-ħarsien tal-ambjent (2) fejn jenfasizza l-importanza tal-użu effikaċi ta’ dħul iġġenerat minn strumenti bbażati fuq is-suq għal titjib ambjentali skont il-promozzjoni ta’ ekonomija ekoloġika u dħul iġġenerat mill-iskema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE, li jikkostitwixxu opportunità importanti b’mod partikolari biex jiġi ffinanzjat dan it-titjib u t-tranżizzjoni industrijali u ta’ impjieg lejn ekonomija mingħajr karbonju.

3.   Il-proposti tal-Kummissjoni

3.1.

L-inizjattiva tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva ETS UE 2003/87/KE hija intiża, permezz ta’ sett komprensiv ta’ proposti, biex taċċentwa l-livell tat-tnaqqis annwali ta’ emissjonijiet permessi sabiex il-livell ta’ kwoti maħruġa kull sena fiż-ŻEE sa mill-2021 jonqos b’fattur lineari ogħla minn 2,2 % biex jilħaq it-tnaqqis b’43 % fl-2030 meta mqabbel mal-livell tal-2005.

3.2.

Il-proposta tipprovdi għal numru ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament biex jiġu appoġġati l-operaturi ekonomiċi li jridu jiġġieldu kontra r-rilokazzjoni tal-karbonju u jaffrontaw l-isfidi l-kbar ġejjin mill-innovazzjoni u mill-investiment neċessarji sabiex jiġu modernizzati l-impjanti tagħhom u sabiex tintlaħaq l-effiċjenza enerġetika għal kontribut lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet.

4.   L-iskemi ta’ skambju tal-emissjonijiet fil-livell dinji

4.1.

L-iskemi ta’ skambju tal-emissjonijiet qed jiżdiedu madwar id-dinja lil hinn mill-UE, bi skemi nazzjonali jew subnazzjonali li diġà qed joperaw f’diversi pajjiżi.

4.2.

Fl-Istati Uniti, il-President Obama ħabbar ir-regoli għall-Pjan ta’ Clean Power – CPP li se jindikaw l-istandards individwali għal kull Stat biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju mill-impjanti tal-enerġija – prinċipalment mill-faħam u mill-gass – sal-2030.

4.2.1.

F’Kalifornja hemm programm “cap-and-trade”, imniedi fl-2012. F’Connecticut, Delaware, Maine, Maryland, Massachusetts, New Hampshire, New York, Rhode Island, Vermont hemm fis-seħħ ir-Regional Greenhouse Gas Initiative-RGGI.

4.3.

Fl-Awstralja qed titħaddem skema ta’ skambju tal-emissjonijiet li se tingħaqad ma’ dik Ewropea sal-2018, skont ftehim mal-Kummissjoni Ewropea fl-2012.

4.4.

Fil-Kanada l-Cap-and-Trade System for Greenhouse Gas Emissions ta’ Québec ġiet introdotta fl-2012 u ilha mill-2013 tkopri 85 % tal-emissjonijiet ta’ Québec.

4.5.

Fi New Zealand fl-2008 tnediet skema ta’ skambju ta’ emissjonijiet NZ ETS, bl-inklużjoni tal-foresti u l-agrikoltura, il-karburanti fossili likwidi, l-impjanti tal-enerġija u l-proċessi industrijali.

4.6.

L-UE u ċ-Ċina laħqu ftehim fis-summit bilaterali fl-aħħar ta’ Ġunju 2015 dwar il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

4.7.

Fil-Korea t’Isfel minn Jannar 2015 hemm fis-seħħ il-programm KETS, l-ewwel programm fl-Asja li jaħdem fil-livell nazzjonali u t-tieni wara l-ETS UE fil-livell dinji.

4.8.

Fil-Ġappun, it-Tokyo Cap-and-Trade Program – TMG ETS huwa l-ewwel skema ta’ skambju obbligatorja, imnedija f’April 2010.

4.9.

Fl-Iżvizzera, l-ETS-CH beda fl-2008 b’ħames snin fuq bażi volontarja bħala għażla alternattiva għat-taxxa fuq is-CO2 fuq il-karburanti fossili: mill-2013 l-iskema saret obbligatorja għall-industriji l-kbar li jużaw ħafna enerġija.

5.   Kummenti ġenerali

5.1.

Il-Kumitat jemmen li l-ETS UE tirrappreżenta strument ewlieni effiċjenti bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ enerġija tal-UE, jekk l-iskema ssegwi l-loġika tas-suq, u li għandha tibgħat sinjal tal-prezz tal-karbonju f’konformità mal-ambizzjonijiet, iżda anke li jkollha effett pożittiv fuq l-investiment f’teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju u fuq l-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli u fuq iż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija.

5.1.1.

Il-KESE huwa mħasseb dwar aċċellerazzjoni eventwali tal-proċess ta’ rilokazzjoni tal-investiment bħala forma speċifika ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju f’setturi vulnerabbli. Dan il-proċess jista’ jnaqqas aktar il-kompetittività ta’ dawn is-setturi u l-kapaċità tagħhom li jieħdu l-miżuri meħtieġa għal ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, skont il-linji espressi f’opinjonijiet reċenti (3).

5.2.

Il-KESE jinsab konvint dwar il-ħtieġa li s-suq tal-karbonju jsir iżjed stabbli, flessibbli u miftuħ għall-partijiet interessati kollha, fil-livell dinji.

5.3.

Il-qafas għall-politiki tal-enerġija u tal-klima u l-enerġija f’perspettiva sal-2030, maqbul mill-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014, jistabbilixxi miri ambizzjużi ta’ tnaqqis unilaterali, iżda pprovda wkoll linji gwida ċari dwar id-dispożizzjonijiet tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju li għandhom jiġu żviluppati fir-riforma tal-ETS UE.

5.3.1.

Il-KESE jaħseb ukoll li r-riforma tal-ETS UE għandha tirrappreżenta qafas koordinat ta’ politika, flimkien mar-riforma tas-setturi mhux ETS (Deċiżjonijiet dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi – ESD) u l-politiki dwar l-enerġija rinnovabbli (RED) u l-effiċjenza enerġetika (EED u EPBD).

5.4.

Il-KESE jemmen li fost il-punti ewlenin tar-riforma għandu jkun hemm:

l-abolizzjoni tal-fattur korrettiv intersettorjali, għall-ispejjeż diretti;

il-mekkaniżmi armonizzati fuq livell Ewropew ta’ kumpens għall-ispejjeż indiretti;

skemi li jippremjaw u ma jikkastigawx dawk bl-aħjar prestazzjoni, ikun xi jkun il-mod kif titwettaq dik il-prestazzjoni, inkluż il-qbid u l-użu ta’ CO2;

l-istabbiliment ta’ punt ta’ riferiment ibbażat fuq informazzjoni industrijali darba biss fil-bidu tal-perjodu;

l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għal setturi bbażati fuq produzzjonijiet effettivi;

il-possibilità ta’ approċċ ta’ riżerva fil-Fażi 4 għall-oqsma mingħajr parametri ta’ riferiment passati;

id-definizzjoni ta’ riskju għal rilokazzjoni tal-karbonju aktar flessibbli bil-kriterji kwalitattivi ta’ riskju attwali;

l-użu ta’ parti mir-Riżerva tal-Istabilità biex tappoġġja l-eliminazzjoni gradwali ta’ setturi mneħħija mil-Lista ta’ Rilokazzjoni tal-Karbonju;

l-eżenzjoni mill-mekkaniżmu ta’ impjanti żgħar b’emissjonijiet ta’ inqas minn 50 000 t CO2;

l-integrazzjoni sħiħa tad-dimensjoni soċjali fl-iskema ETS UE, sabiex tiġi sostnuta t-tranżizzjoni ta’ proċessi u kompetenzi industrijali u ta’ impjieg lejn ekonomija li ma tużax il-karbonju;

5.4.1.

Għall-kumpaniji li qed jaffaċċjaw ir-riskju tar-rilokazzjoni għandha tiġi allokata bla ħlas kwantità ta’ permessi ta’ emissjonijiet.

5.5.

Skont il-Kumitat, għandhom jiġu żgurati mekkaniżmi xierqa ta’ tranżizzjoni lejn tnaqqis bilanċjat tal-kwoti ħielsa tal-emissjonijiet tas-CO2 għas-salvagwardja tal-kompetittività tal-industriji Ewropej u biex jiġu evitati riskji ta’ ħarbiet ta’ investimenti u l-espożizzjoni tal-industriji Ewropej u setturi ta’ impjieg Ewropej għall-kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi mingħajr oqfsa ta’ regolamenti li huma komparabbli.

5.5.1.

B’mod partikolari, għandu jiġi żgurat qafas ta’ regoli adegwati dwar il-livelli ta’ allokazzjoni ħielsa, dwar l-ammissibilità tar-rilokazzjoni tal-karbonju, dwar ir-reviżjoni ta’ parametri ta’ valutazzjonijiet komparattivi, dwar il-kumpens għall-ispejjeż ikkaġunati mill-prezzijiet tal-enerġija elettrika – biex tiġi żgurata b’mod komplet l-allokazzjoni mingħajr ħlas u l-kumpens sħiħ tal-ispejjeż indiretti fl-Istati Membri kollha f’livell ta’ 10 % tal-impjanti l-aktar effiċjenti f’oqsma esposti għal riskji għolja ta’ rilokazzjoni tal-karbonju.

5.5.2.

Għandha tiġi studjata wkoll il-possibilità tal-estensjoni ta’ mekkaniżmi fejn jiġu ppremjati dawk bl-aħjar rendiment għas-soċjetà ċivili, sabiex jiġi assigurat bonus tal-ETS lill-familji, il-komunitajiet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi li jnaqqsu b’mod konsiderevoli l-konsum tal-enerġija tagħhom li jiġġeneraw is-CO2 jew jikkumpensaw għall-emissjonijiet b’ investimenti ekoloġiċi .

5.6.

Il-KESE jaħseb li l-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) għandu jinżamm, jittejjeb u jiġi estiż, u li għandhom jingħataw appoġġ adatt ir-rabtiet bejn l-ETS tal-UE u skemi ġodda li qed jispontaw f’partijiet oħra tad-dinja.

5.7.

It-tibdil fil-klima jeħtieġ soluzzjoni globali permezz ta’ ftehim b’objettivi definiti b’mod ċar u ċerti għall-ekonomiji kollha ewlenin tad-dinja.

6.   Kummenti speċifiċi

6.1.

Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu riveduti l-proċeduri għat-tqassim tal-kwoti, biex jiġi garantit perċentwal adegwat mingħajr ħlas biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ħaddiema li huma intitolati għalihom. Id-definizzjoni tas-setturi f’riskju ta’ rilokazzjoni mill-2020 tinsab f’riskju ta’ tnaqqis sinifikanti b’limitu ta’ 0,18 bħala prerekwiżit għall-eliġibilità.

6.2.

Il-KESE huwa mħasseb dwar l-issikkar tal-punti ta’ riferiment li jippenalizza aktar il-kumpaniji li jħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet diffiċli: it-tnaqqis trażversali tal-punt ta’ riferiment permezz ta’ fattur wieħed lineari ta’ korrezzjoni, stabbilit bejn minimu ta’ 0,5 % u massimu ta’ 1,5 % fuq bażi annwali, ma jqisx il-ħajja tat-tagħmir u s-sitwazzjoni teknoloġika reali f’setturi differenti ħafna.

6.3.

Il-KESE jqis li l-parametri ta’ valutazzjoni komparattiva għar-rilokazzjoni tal-karbonju għandhom ikunu teknikament u ekonomikament fattibbli biex jirriflettu l-avvanzi fit-teknoloġija reali u jirrakkomanda li l-metodoloġija biex titnaqqas il-lista tas-setturi fil-Lista tar-rilaxx ta’ karbonju minn 177 settur għal 52 għall-2021-2030 tiġi maqsuma mill-imsieħba soċjali u tiġi akkumpanjata minn miżuri għall-eliminazzjoni gradwali.

6.4.

Il-KESE jemmen ukoll li l-fattur ta’ korrezzjoni intersettorjali għandu jitneħħa. Fattur ta’ korrezzjoni kkalkolat b’mod mhux xieraq joħloq inċertezzi fl-allokazzjoni mingħajr ħlas u jesponi lill-impjanti l-aktar fir-riskju għal spejjeż żejda.

6.5.

Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm mekkaniżmu ta’ kumpens għal spejjeż indiretti armonizzati fuq livell Ewropew u pprovduti fuq il-bażi tal-parametri diġà stabbiliti (4), biex jiġu evitati d-distorsjonijiet attwali tas-suq intern, b’hekk l-iskema attwali bbażata fuq għajnuna mill-Istat issir obbligatorja u l-Istati Membri jintrabtu biex jallokaw mill-inqas porzjon tad-dħul mill-irkantijiet għal kumpens suffiċjenti għall-ispejjeż indiretti mġarrba f’termini ta’ “dawk bl-aħjar prestazzjoni” ambjentali fis-setturi esposti.

6.6.

Il-KESE jitlob li l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas aktar flessibbli u dinamiċi tkun ibbażata fuq livelli tal-produzzjoni effettivi u aġġornati, filwaqt li tappoġġja l-unitajiet li jtejbu l-effiċjenza waqt li tinżamm l-istess allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas.

6.7.

Huwa meħtieġ li l-kriterju ta’ definizzjoni tar-riskju ta’ Rilokazzjoni tal-Karbonju jsir aktar flessibbli biex jirrifletti aħjar l-impatt tal-prezz tal-karbonju fuq il-kompetittività tas-setturi varji, speċjalment għall-SMEs, skont il-kriterji kwalitattivi, kif definiti fl-2008.

6.8.

Il-KESE jemmen li l-fondi tal-ETS UE – Fond ta’ Riżerva tal-Istabilità, il-Fond għall-innovazzjoni, il-Fond għall-immodernizzar – għandhom jitqiesu f’qafas sinottiku, sabiex jiġu żgurati operazzjonijiet xierqa u skemi adegwati ta’ ġestjoni/kontroll, biex tiġi evitata d-duplikazzjoni.

6.9.

Skont il-KESE:

kwota tar-Riżerva tal-istabilità għandha tkun maħsuba biex tappoġġja l-eliminazzjoni gradwali ta’ setturi mneħħija mil-Lista ta’ Rilokazzjoni tal-Karbonju;

il-Fond għall-immodernizzar għandu jkun miftuħ għall-interventi fl-oqsma NUTS 2 għall-produzzjoni tal-potenza elettrika kif ukoll fil-pajjiżi li għandhom PDG inqas minn 60 % tal-medja tal-UE għall-promozzjoni trasparenti tal-investimenti mingħajr distorsjonijiet fis-suq intern tal-enerġija;

il-Fond għall-innovazzjoni għandu jintervjeni għal teknoloġiji ġodda u proċessi industrijali b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju speċjalment f’setturi b’eliminazzjoni gradwali;

l-irkantijiet volontarji tal-karbonju għandhom ikunu appoġġati, “Suq Carbomark” bħala impenji addizzjonali inbdew volontarjament mis-sidien tal-foresti sabiex jimmassimizzaw il-benefiċċji ambjentali indiretti pprovduti mill-foresti, li jagħtu l-opportunità li jaraw rikonoxxuta, anke f’termini ekonomiċi, il-funzjoni klimatika tal-ekosistema tal-foresta.

6.10.

Il-Kumitat jittama li l-miżuri previsti għall-impjanti żgħar b’emissjonijiet ta’ inqas minn 25 000 t CO2 jiġu estiżi għall-impjanti b’emissjonijiet ta’ inqas minn 50 000 t CO2, u li fl-Ewropa jammontaw għal madwar 75 % tal-impjanti fl-ETS, iżda jirrappreżentaw 5 % biss tal-emissjonijiet totali.

6.11.

Fir-rigward tal-emissjonijiet mill-proċess mineraloġiku, il-potenzjal tagħhom għat-tnaqqis mill-operaturi huwa essenzjalment żero u għandhom jibbenefikaw minn allokazzjoni totali tal-kwoti mingħajr ħlas.

6.12.

Billi l-miżuri ta’ reviżjoni tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet jinvolvu, flimkien mal-politika għall-enerġija, ħafna politiki Komunitarji oħrajn, il-Kumitat jirrakkomanda l-akbar konsistenza u l-eliminazzjoni ta’ burokrazija żejda bejn ir-regolamenti l-ġodda u r-regolamenti li jinteraġixxu magħhom.

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ara Il-Modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istati għal suq tal-enerġija integrat tal-UE – Joaquín Almunia, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Politika tal-Kompetizzjoni, Brussell, 2 ta’ Diċembru 2013 – Enerġija: is-settur fejn jeħtieġ “iżjed Ewropa”. L-iżvilupp ta’ prinċipji komuni għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Sabiex l-għajnuna tkun kompatibbli, jeħtieġ li ssir kontribuzzjoni għal objettiv komuni tal-UE, jiġi korrett falliment tas-suq ippruvat/jiġi indirizzat tħassib ta’ ekwità, tkun strument adatt, jiġi żgurat effett ta’ inċentiv, tkun proporzjonata u limitata għall-minimu, jiġu evitati distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni u l-kummerċ. Ara wkoll “Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020” (ĠU C 200, 28.6.2014 p. 1).

(2)  www.eesc.europa.eu/envistud.

(3)  Strumenti bbażati fuq is-suq – Ekonomija tal-UE b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (ĠU C 226, 16.7.2014 p. 1), Qafas ta’ politika għall-Klima u l-Enerġija 2020-2030 (ĠU C 424, 26.11.2014 p. 39) u l-Protokoll ta’ Pariġi (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 74).

(4)  Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (ĠU C 200, 28.6.2014 p. 1).


24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/65


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa”

[COM(2015) 192 final]

(2016/C 071/11)

Relatur:

is-Sur Raymond HENCKS

Korelatur:

is-Sur Thomas McDONOGH

Nhar it-12 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa”

[COM(2015) 192 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tad-9 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’219-il vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali Ewropew. Madankollu, għadu mħasseb li għadha dgħajfa r-rieda politika ta’ parti mill-Istati Membri li jwittu t-triq biex tinħoloq unjoni diġitali kreattiva u innovattiva, u mhux biss waħda li tikkonsma.

1.2.

L-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali proposta mill-Kummissjoni ta’ Juncker hija estensjoni tal-istrateġiji u l-programmi diġitali eżistenti, u għandha l-għan li tagħti nifs ġdid lil politika diġitali tal-Unjoni Ewropea li qed tieħu ż-żmien biex tiġi implimentata. Fl-istess ħin, din hija wkoll enfasi ġdida fuq il-kummerċ u l-konsumaturi u l-miżuri meħtieġa sabiex jinħolqu aktar kummerċ, aktar konsumaturi u kundizzjonijiet u protezzjoni aħjar għall-konsumaturi.

1.3.

F’dan il-kuntest, l-ewwel prijorità tagħna hija li jingħalaq id-distakk fil-ħiliet. Din hija kwistjoni kemm ta’ matematika u litteriżmu kif ukoll ta’ ħiliet diġitali u l-użu responsabbli tagħhom. It-tieni, l-użu faċli tal-pjattaformi huwa meħtieġ sabiex jitmexxa s-suq, għalhekk l-operazzjonijiet tal-pjattaforma m’għandhomx ikunu ristretti. It-tielet, hemm bżonn ta’ applikazzjonijiet rilevanti, għalhekk l-enfasi fuq l-istandardizzazzjoni hija milqugħa. Żieda fil-gvern elettroniku se tgħin sabiex jiġu involuti aktar ċittadini fl-attività diġitali. Mill-perspettiva tal-konsumatur, il-KESE jilqa’ l-inizjattivi dwar l-aċċess aħjar għall-konsumaturi u n-negozji għal prodotti u servizzi diġitali fl-Ewropa kollha.

1.4.

Ftit mill-inizjattivi, iżda mhux kollha, dettaljati fit-Taqsima 4.2 (Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet tajba għal netwerks u servizzi diġitali biex jiffjorixxu) huma relatati mal-infrastruttura tan-netwerks u huma parti mill-aġenda diġitali. Dawn il-proposti huma importanti fid-dawl tal-kuntest tas-suq uniku u l-urġenza li bihom dawn jiġu indirizzati. Xi wħid mill-inizjattivi l-oħra f’din it-taqsima huma importanti għad-drittijiet tal-konsumatur.

1.5.

Il-KESE ma jistax ħlief jappoġġja lill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tagħha li ttemm il-frammentazzjoni fi 28 strateġija u swieq diġitali nazzjonali u tlaqqagħhom fi ħdan approċċ Ewropew u b’hekk tiżgura pożizzjoni fuq quddiem nett fil-qasam tal-ekonomija diġitali dinjija, li sar id-dominju tal-pajjiżi terzi.

1.6.

Il-KESE jinsab konvint li l-Unjoni Ewropea, li għandha ħiliet eċċellenti u esperjenza wiesgħa f’ċerti oqsma diġitali, għadha tista’ tirremedja għad-dewmien tagħha f’dan il-qasam. F’dan il-kuntest, il-KESE jinsisti fuq l-iżvilupp ta’ ċentri ta’ riċerka multidixxiplinari u sinerġiji Ewropej fil-qafas tal-ispazju Ewropew tar-riċerka, f’oqsma bħall-cloud computing, in-nanoelettronika, il-ħażna u l-ipproċessar tal-big data, kull apparat li jista’ jsir tiftix għalih (searchable applications) jew li jista’ jiġi kkontrollat mill-bogħod (oġġetti konnessi) u s-servizzi intelliġenti.

1.7.

L-Unjoni tista’ terġa’ taqbad ir-ritmu jekk jirnexxielha, fuq perjodu qasir ta’ żmien, tlaqqa’ flimkien ir-riżorsi tagħha biex timmobilizza u tikkoordina l-isforzi pubbliċi u privati tat-28 Stat Membru, filwaqt li tinvolvi wkoll lill-partijiet interessanti fid-diskussjonijiet dwar l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali. Il-KESE japprova l-impenn li daħlet għalih il-Kummissjoni li tniedi konsultazzjoni pubblika għal kull waħda mill-azzjonijiet futuri tagħha fil-qafas tas-suq uniku diġitali.

1.8.

Il-KESE jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ dimensjoni soċjali fl-istrateġija diġitali (minbarra kwistjonijiet dwar il-kompetenza diġitali), minkejja li l-iżvilupp tas-servizzi u l-mudelli intraprenditorjali jitlob tibdil profond fid-dinja tax-xogħol. Il-KESE jqis li flimkien mal-vantaġġi potenzjali, għandhom jiġu kkunsidrati r-riskji u l-isfidi multipli, partikolarment fil-qasam tas-sigurtà u l-organizzazzjoni tax-xogħol, u tas-sigurtà soċjali, bl-istess mod bħall-proċeduri previsti mit-trattat dwar id-djalogu soċjali kif ukoll il-klawżola soċjali orizzontali, li għandhom isibu posthom fl-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali Ewropew (1). Il-KESE jqis li d-dimensjoni soċjali, flimkien mal-konsegwenzi kollha tagħha għax-xogħol, għandha tkun ir-raba’ pilastru tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali Ewropew.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Bit-terminu “suq uniku diġitali”, il-KESE jifhem it-trasferiment lejn l-Internet tat-tranżazzjonijiet u L-attivitajiet mis-suq intern tal-UE eżistenti. Dan diġà seħħ parzjalment, iżda l-inizjattivi enfasizzati mill-Kummissjoni huma ddisinjati sabiex jinkiseb il-potenzjal diġitali sħiħ. L-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet tas-suq jinvolvu l-produzzjoni ta’ prodotti u l-provvista ta’ servizzi segwiti minn intermedjazzjoni, distribuzzjoni u konsum. Tranżazzjonijiet bejn il-konsumatur (C), in-negozju (B) u l-awtoritajiet pubbliċi (G) jirriflettu kemm l-influwenza ta’ netwerks soċjali kif ukoll it-tendenza lejn soċjetà ta’ kondiviżjoni. Ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi fis-Suq Uniku Diġitali huwa dak ta’ fornitur tas-servizzi.

2.2.

Il-benefiċċji tat-trasferiment ta’ proċessi kummerċjali huma magħrufa sew: aktar integrazzjoni fil-katina tal-valur, aċċelerazzjoni tal-proċessi mid-disinn għall-konsenja, interfaċċi tal-konsumatur imtejba (speċjalment fil-kuntest ta’ netwerks soċjali) u kompetittività akbar inġenerali. Hekk kif tkompli t-transizzjoni, din se tiftaħ it-triq għall-“Internet tal-oġġetti” u r-raba’ Rivoluzzjoni Industrijali.

2.3.

Il-karatteristika unika tas-suq intern hija li dan huwa transnazzjonali mid-disinn u li għalhekk huwa adattat sew fil-prinċipju li juża l-Internet. Madankollu, hemm problemi fi ħdan is-suq intern stess, bl-adattament ta’ regoli, liġijiet u regolamenti għall-ambjent diġitali, hemm nuqqasijiet fil-prontezza diġitali f’kull waħda mill-komunitajiet “B”, “G” u “C”, nuqqasijiet fl-infrastruttura teknoloġika tas-Suq Uniku Diġitali u kwistjonijiet potenzjali ta’ dominanza minn pjattaformi kbar.

2.4.

B’mod parallel mal-proġett tas-Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni qed tmexxi l-Aġenda Diġitali tagħha. Din tindirizza tħassib varju dwar in-nuqqas ta’ preżenza tal-UE fl-industriji globali tal-ħardwer u s-softwer, iżda dan it-tħassib huwa periferali għas-Suq Uniku Diġitali. Skont il-Kummissjoni, il-premju għat-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali huwa kbir ħafna fit-termini tal-PDG u l-impjieg u kull mhu meħtieġ li jsir huwa fi ħdan il-kapaċità attwali tal-UE u l-Istati Membri.

2.5.

Il-falliment li jitlesta s-suq uniku għas-servizzi għandu implikazzjonijiet serji għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali. Is-settur tas-servizzi huwa s-settur dominanti fl-ekonomiji tal-Istati Membri. Il-provvista tas-servizzi hija motivata minn tranżazzjonijiet tal-Internet; il-progress fl-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali jista’, minnu nnifsu, jiffaċilita s-suq uniku għas-servizzi.

2.6.

Ir-regoli, ir-regolamenti u l-liġijiet żviluppati għat-transazzjonijiet fuq il-karta u l-ewwel snin tal-kummerċ elettroniku saru ostakli għall-kisba tas-Suq Uniku Diġitali. Il-KESE jilqa’ l-programm leġislattiv propost u l-iskeda ambizzjuża li ġiet stabbilita:

proposti leġislattivi għal regoli kuntrattwali transkonfinali sempliċi u effettivi għall-konsumaturi u n-negozji;

rieżami tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur;

mżuri fil-qasam tal-konsenja tal-pakketti;

reżami estensiv għat-tħejjija ta’ proposti leġislattivi sabiex jittrattaw ostakli kkawżati minn imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat;

udaġni tas-settur tal-kompetizzjoni fil-kummerċ elettroniku, dwar il-kummerċ onlajn tal-oġġetti u l-forniment onlajn ta’ servizzi;

poposti leġislattivi għal riforma tar-reġim tad-drittijiet tal-awtur;

poposti leġislattivi biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji li jirriżulta minn reġimi differenti tal-VAT;

iizjattivi dwar is-sjieda tad-data, il-fluss liberu tad-data (eż. bejn fornituri tal-cloud) u fuq Cloud Ewropea;

reżami tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika.

2.7.

Filwaqt li l-programm leġislattiv enfasizzat fit-Taqsima 2.6 hawn fuq huwa ċar, l-azzjonijiet previsti sabiex jitjieb l-għarfien dwar l-Internet, il-kompetenza u l-prontezza fit-tliet komunitajiet – “B”, “G”, u “C” – huma anqas ċari:

il-ħiliet u l-kompetenza diġitali, partikolarment għal ħafna taqsimiet taċ-ċittadini tal-UE, mhumiex adegwati biżżejjed, l-istess kif mhumiex il-proposti tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni mhux qed tagħti l-prijorità neċessarja lil dan il-fattur ta’ suċċess kritiku għas-Suq Uniku Diġitali u s-soċjetà tal-informazzjoni Ewropea;

l-adozzjoni ta’ Pjan ta’ Standards tal-ICT ta’ Prijorità li jistendi l-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi;

Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern Elettroniku ġdid, inkluża inizjattiva dwar il-prinċipju ta’ “darba biss” u inizjattiva dwar il-bini tal-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali.

Flimkien dawn l-inizjattivi se jaffettwaw liċ-ċittadini, l-SMEs, il-gvern u s-servizzi tas-settur privat u l-applikazzjonijiet settorjali li huma ċentrali għall-kisba tas-Suq Uniku Diġitali. Dawn il-proposti jidhru li mhumiex preċiżi jew urġenti biżżejjed. Il-KESE se jsegwi mill-qrib l-iżvilupp ta’ dawn l-inizjattivi li huma kollha taħt il-kontroll tal-UE u tal-Istati Membri.

2.8.

Numru ta’ inizjattivi vitali dwar l-infrastruttura huma proposti:

rieżami tad-Direttiva dwar is-Servizzi bil-Kejbil u bis-Satellita;

proposti leġislattivi biex jirriformaw ir-regoli attwali tat-telekomunikazzjonijiet;

Rieżami tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Medja Awdjoviżiva;

twaqqif ta’ Sħubija Pubblika Privata kuntrattwali ta’ Ċibersigurtà.

Is-sigurtà tat-telekomunikazzjoni u ċ-ċibersigurtà huma l-prijoritajiet evidenti iżda hija urġenti wkoll kjarifika tar-regoli ta’ provvista tal-awdjoviżiv għall-kejbil, is-satellita u l-broadband.

2.9.

Il-pjattaformi jmexxu s-Suq Uniku Diġitali. Il-maġġoranza tal-membri tal-komunitajiet “C”, “B” u “G” jużawhom kuljum. Dawn huma aċċessibbli, jintużaw faċilment, u spiss huma mingħajr ħlas. L-iżvilupp ulterjuri tagħhom huwa indispensabbli, iżda hemm tħassib:

dawn jiffaċilitaw applikazzjonijiet ta’ tfixkil li jisfidaw is-setturi u l-kumpaniji stabbiliti. Il-klijenti jibbenefikaw, iżda l-kumpaniji stabbiliti jiddubitaw il-legalità tagħhom.

ħafna pjattaformi għandhom pożizzjonijiet dominanti li jqajmu mistoqsijiet dwar l-abbuż potenzjali tad-dominanza.

il-biċċa l-kbira tal-pjattaformi l-kbar huma lokalizzati barra mill-UE, iżda teżisti industrija tal-pjattaformi tal-UE u teħtieġ kundizzjonijiet ekwi sabiex tibqa’ ħajja u tiffjorixxi.

Għal dawn ir-raġunijiet il-KESE jilqa’ l-Indaġni: Analiżi komprensiva tar-rwol tal-pjattaformi fis-suq inkluż kontenut illegali fuq l-Internet. Sabiex is-Suq Uniku Diġitali jkun ta’ suċċess, il-pjattaformi jridu jiffjorixxu u għalhekk l-infurzar tal-liġi ma għandux jillimita b’mod ieħor l-ispazju ta’ manuvra għall-pjattaformi.

2.10.

Minħabba l-analiżi ta’ hawn fuq, il-KESE jikkunsidra l-programmi komunitarji enfasizzati fit-Taqsima 2.7 hawn fuq bħala probabbilment il-punt dgħajjef tal-istrateġija u jesprimi “twissijiet” dwar il-pjattaformi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Huwa inkontestabbli li s’issal-Unjoni Ewropea ma sfruttatx mill-aħjar il-possibilitajiet enormi provduti mit-teknoloġiji diġitali. Dan huwa l-aktar minħabba l-fatt li s-suq Ewropew għadu maqsum fi 28 suq nazzjonali.

3.2.

Madankollu, ċerti Stati Membri jippreferu evidentement iżommu u jiżviluppaw strateġija diġitali esklużivament nazzjonali, aktar milli jagħmlu spazju għal Unjoni Ewropea diġitali kreattiva u innovattiva. B’mod parallel, il-Ministri tal-Ekonomija tal-Ġermanja u ta’ Franza talbu l-ħolqien ta’ qafas komuni appoġġjat b’mod partikolari miż-żewġ pajjiżi tagħhom.

3.3.

Il-KESE josserva wkoll li l-Prim Ministri ta’ ċerti Stati Membri talbu lill-President tal-Kunsill sabiex jagħmlu parti mir-riservi tagħhom għall-implimentazzjoni tal-istrateġija. Dawn insistew fuq l-importanza li “jkun hemm regolamentazzjoni biss meta teżisti prova ċara tal-bżonn li jsir dan, billi jiġu sfruttati l-prinċipji ta’ regolamentazzjoni intelliġenti u jkun hemm valutazzjoni tal-impatt fil-fond. Huwa assolutament evidenti li s-Suq Uniku Diġitali se jkun suċċess biss jekk ma jillimitax l-innovazzjoni, l-investiment u l-intraprenditorija”. Il-KESE huwa tal-istess opinjoni sakemm l-interessi tal-konsumaturi u tal-ħaddiema jitqiesu wkoll bl-istess mod.

3.4.

Il-Kummissjoni tqis din l-Istrateġija ġdida tas-Suq Uniku Diġitali bħala estensjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tal-2010. Din kienet tipprevedi 101 azzjoni li, skont il-Kummissjoni, 72 minnhom irnexxew u 23 minnhom kellhom jitlestew fiż-żminijiet stabbiliti, mingħajr ma nkiseb is-Suq Uniku Diġitali stess, b’mod li parti minn dawn l-inizjattivi jinsabu fl-istrateġija ġdida inkwistjoni.

3.5.

Matul il-preżentazzjoni tal-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, il-President Juncker qal li “billi noħolqu suq uniku diġitali konness, nistgħu niġġeneraw sa EUR 250 biljun fi tkabbir addizzjonali u b’hekk noħolqu mijiet ta’ eluf ta’ impjiegi ġodda”. Skont il-Komunikazzjoni inkwistjoni, jista’ jkun hemm “EUR 415-il biljun addizzjonali għall-PDG Ewropew”, filwaqt li ż-żewġ Kummissarji responsabbli għall-qasam diġitali jsemmu 3,8 biljun impjieg iġġenerati minn suq uniku diġitali.

3.6.

Il-KESE jqis li l-bumbardament taċ-ċittadini b’ċifri li jvarjaw sostanzjalment skont is-sors fi ħdan il-Kummissjoni, iżda li madankollu jiġu ppreżentati bħala fatti mhux konfutabbli meta fil-verità ftit li xejn ikunu kredibbli, huwa kontroproduttiv. Dikjarazzjonijiet bħal dawn jispiċċaw biex joħolqu nuqqas ta’ fiduċja fil-konfront ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u jikkawżaw ċerta indifferenza fir-rigward tal-problemi reali.

3.7.

Sal-lum il-ġurnata, il-Kummissjoni qatt ma tat prova li t-tbassir tagħha tal-istess tip seħħ. Il-KESE jitlob li fl-aħħar tal-mandat tagħha, il-Kummissjoni attwali tiffoka u tqabbel dan l-eżami mal-previżjonijiet tagħha.

3.8.

Il-KESE jqis li mhuwiex realistiku li wieħed jemmen li se jinkiseb is-Suq Uniku Diġitali matul il-mandat attwali tal-Kummissjoni, dan ukoll minħabba li l-istudju tal-impatt jew ir-riċerka xjentifika relatati li jappoġġjaw tali dikjarazzjonijiet ma ġewx ippubblikati. Il-KESE jqis li l-istimi tal-Kummissjoni għandhom jitqabblu mal-istudji li jipprevedu telf sostanzjali ta’ xogħlijiet ikkawżat mit-trasformazzjonijiet diġitali (2).

3.9.

Skont il-Kummissjoni, il-ksib tas-suq diġitali konness tippermetti lill-Ewropa li żżomm pożizzjoni fuq quddiem nett fil-qasam tal-ekonomija diġitali fil-livell globali, filwaqt li tippermetti li n-negozji Ewropej jiżviluppaw ukoll barra mill-Unjoni.

3.10.

Il-KESE josserva li l-ambizzjoni tal-UE, li tinsab fl-Istrateġija ta’ Lisbona tal-2000, li ssir l-aktar ekonomija kompetittiva bbażata fuq l-għarfien u l-iktar dinamika fid-dinja b’kapaċità ta’ tkabbir ekonomiku u sostenibbli akkumpanjat minn titjib fil-kwantità u l-kwalità tax-xogħol u aktar koeżjoni soċjali, ġiet riveduta ‘l isfel b’mod sostanzjali.

3.11.

L-Unjoni Ewropea qiegħda lura.

L-ekonomija diġitali saret il-privileġġ tal-Istati Uniti u tal-Asja. Madwar ħamsin operatur kbir Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika huma soġġetti għal 28 qafas regolatorju nazzjonali distinti, filwaqt li s-sitt operaturi l-kbar tas-suq Amerikan u t-tliet ġganti tas-suq Ċiniż huma kkontrollati minn qafas regolatorju uniku. Il-viżjoni tas-suq diġitali intra-Ewropew bħala fattur ta’ integrazzjoni m’għadhiex adegwata f’dinja diġitalizzata mingħajr fruntieri; barra minn hekk, din ma xekklitx il-pjattaformi l-kbar tal-pajjiżi terzi milli joħolqu monopolji jew oligopolji fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE.

3.12.

Il-KESE jibqa’ jittama li l-UE għadha tista’ tirrimedja għad-dewmien tagħha u li l-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali fl-Ewropa tista’ tagħti ħajja ġdida lis-settur, bil-kundizzjoni madankollu li tkun kreattiva u mhux biss utent tal-qasam diġitali, li tippromovi qabża kwalitattiva soċjetali lejn edukazzjoni bikrija tat-tfal biex jiżviluppaw ħiliet diġitali u jitħġġeġ l-użu responsabbli tagħhom, li tneħħi d-distakk diġitali, li tiggarantixxi l-aċċess għaċ-ċittadini kollha (inklużi l-persuni b’diżabbiltà) u li tiggarantixxi investiment pubbliku u privat adatt fit-tagħlim, it-taħriġ vokazzjonali u r-riċerka.

3.13.

Għal dan l-għan, l-UE għandha bżonn tlaqqa’ r-riżorsi tagħha flimkien sabiex timmobilizza u tikkoordina sforzi pubbliċi u privati fit-28 Stat Membru kollha. Dawn huwa indispensabbli jekk ma tixtieqx titlef it-tibdiliet li tgħaddi minnhom spiss l-ekonomija diġitali, pereżempju l-applikazzjonijiet mobbli li n-numru tagħhom sploda f’dawn l-aħħar snin, il-cloud computing, il-big data u l-isfidi strateġiċi li issa jinsabu fil-livell tal-pjattaformi tas-servizzi diġitali l-kbar, li saru mezzi inevitabbli ta’ aċċess għall-Internet. Id-diskussjoni dwar l-istrateġija għal suq uniku diġitali għandha tinvolvi l-partijiet interessati kollha u tikkunsidra l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, il-konsumaturi, il-ħaddiema u l-persuni b’diżabbiltà bil-għan li jkun hemm soċjetà inklużiva.

3.14.

Il-KESE ma jistax ħlief jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas totali ta’ dimensjoni soċjali fl-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali. L-effetti u l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni fuq l-impjieg huma fil-biċċa l-kbira tagħhom injorati, filwaqt li l-iżvilupp kontinwu tas-servizzi u l-mudell kummerċjali jinvolvi tibdil profond fid-dinja tax-xogħol, b’riperkussjonijiet sostanzjali fuq in-natura tax-xogħol u l-istruttura tal-intrapriżi u r-riskju li jisfaw fix-xejn il-ftehimiet kollettivi. F’dan il-kuntest, il-proċeduri previsti mit-trattat li jikkonċernaw id-djalogu soċjali kif ukoll il-klawżola soċjali orizzontali għandhom jiġu integrati fl-istrateġija għal suq uniku diġitali. Fl-Opinjoni tiegħu dwar l-effetti tad-diġitalizzazzjoni fuq is-settur tas-servizzi u tal-impjiegi fil-qafas tat-tibdil industrijali (CCMI/136), il-KESE għamel sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet bil-għan li jiġi evitat li l-iżvilupp tal-qasam diġitali jagħmel ħsara lill-effettività tas-sistemi eżistenti tat-tagħlim vokazzjonali, il-ħarsien tal-impjieg, is-sigurtà soċjali u t-tassazzjoni. Il-KESE jqis li d-dimensjoni soċjali, flimkien mal-konsegwenzi kollha tagħha għax-xogħol, għandha tkun ir-raba’ pilastru tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali Ewropew.

3.15.

Qasam ieħor li fih l-UE għandha l-okkażjoni li tagħti xhieda tal-pożizzjoni tagħha huwa dak tal-big data, li fih l-istandards tekniċi li se jorganizzaw il-ġbir u l-ipproċessar tad-data għad iridu jiġu vvintati. Sabiex iseħħ dan, ir-regolamenti nazzjonali differenti għandhom jiġu unifikati f’qafas Ewropew koerenti li, permezz ta’ politika intelliġenti fir-rigward tal-ipproċessar tad-data, ikun ikkaratterizzat minn struttura li tfittex kompromess bejn l-interessi ekonomiċi u l-protezzjoni tal-ħajja privata f’oqsma differenti bħas-settur mediku, is-saħħa pubblika, is-servizzi personali, il-qasam agroalimentari, eċċ.

3.16.

L-Unjoni Ewropea, li hija familjari mad-diskussjonijiet dwar l-istandards tekniċi bejn l-Istati Membri, tista’ tibbaża ruħha fuq l-esperjenza tagħha f’dan ir-rigward sabiex toħloq politika Ewropea dwar id-data, abbażi ta’ qafas legali ta’ kwalità, u sabiex iżżomm il-kontroll fuq l-istandards relatati mal-protezzjoni tad-data privata (ara SWIFT), sabiex jiġi evitat li dawn ma jiġux imposti minn atturi oħra.

3.17.

Il-KESE jindika wkoll li s-settur diġitali huwa kkaratterizzat ukoll minn żbilanċ sostanzjali fir-rappreżentanza taż-żewġ sessi u li l-professjonisti fil-qasam tal-ICT huma fil-biċċa l-kbira tagħhom irġiel. Meta jitqies in-numru kbir ta’ postijiet battala fis-settur tal-ICT, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom iniedu kampanja sabiex iħeġġu aktar kandidati nisa jinvolvu ruħhom f’karriera fis-settur diġitali.

3.18.

Fir-rapport tiegħu “Golden growth: Restoring the lustre of the European economic model”, il-Bank Dinji qasam l-Unjoni Ewropea f’6 blokok b’mod li jenfasizza, fuq il-bażi ta’ indikaturi diġitali, id-differenzi kbar bejn l-Istati Membri fl-użu tat-teknoloġiji, il-ħiliet u l-applikazzjonijiet diġitali u l-kummerċ elettroniku. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra bis-sħiħ dawn id-differenzi meta tistabbilixxi l-azzjonijiet ta’ prijorità fil-pjan ta’ ħidma tagħha.

3.19.

Fl-aħħar nett, il-KESE jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li skontha – apparti l-fondi tal-UE ta’ madwar EUR 21,4 biljun – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi se jappoġġja firxa wiesgħa ta’ proġetti diġitali u josserva li l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment jipprovdu opportunitajiet sostanzjali ta’ finanzjament addizzjonali. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni se taħdem mal-BEI, il-promoturi tal-proġetti u l-Istati Membri sabiex il-fondi disponibbli jintużaw b’mod sħiħ, iżda jistaqsi madankollu għaliex, b’mod wiesa’, il-fondi tal-UE li kienu ġew allokati lill-Istati Membri ma ntużawx biżżejjed. Il-KESE jitlob li ssir analiżi dwar din il-kwistjoni sabiex l-użu effettiv u effiċjenti jiġi garantit fil-ġejjieni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.    Aċċess aħjar għall-konsumaturi u n-negozji għall-prodotti u s-servizzi diġitali madwar l-Ewropa

4.1.1.   Proposti leġislattivi għal regoli tal-kuntratt trankonfinali sempliċi u effettivi għall-konsumaturi u n-negozji

Din hija inizjattiva ambizzjuża, iżda milqugħa jekk tkun fattibbli. Minkejja dan, il-kummerċ transkonfinali, elettroniku jew ieħor, se jibqa’ sfida għall-SMEs u l-individwi privati minħabba kwistjonijiet ta’ lingwa u kultura. Test tal-kuntratt standard ġust u sempliċi fil-lingwi kollha tal-UE se jneħħi ostaklu importanti, iżda oħrajn se jibqgħu, bħat-tħassib dwar is-sigurtà tal-kummerċ elettroniku, transfuntier jew ieħor. F’dan il-kuntest, l-inizjattivi dwar iċ-ċibersigurtà huma milqugħa.

Il-KESE jistenna li, meta tiġi implimentata l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tal-Ewropa, il-proposti kollha jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumaturi u ma jwasslux għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni li attwalment jeżisti, fl-ebda Stat Membru.

Jibqa’ jeżisti tħassib fost is-sħab soċjali li l-kummerċ elettroniku transkonfinali jista’ jfixkel in-negozji nazzjonali eżistenti. Dan it-tħassib jenfasizza l-bżonn li tiġi inkluża d-dimensjoni soċjali fl-istrateġija.

4.1.2.   Rieżami tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur

Kooperazzjoni effettiva u ċara hija sine qua non għall-protezzjoni transkonfinali tal-konsumatur mingħajr xkiel. Proċeduri għal kumpens u rimedju fil-ħin huma probabbilment ewlenin sabiex jiġi aċċettat il-kummerċ elettroniku transkonfinalir.

Għandu jsir kull sforz sabiex jitnaqqas il-piż regolatorju fuq l-SMEs.

Il-KESE jaħseb li l-Kummissjoni għandha:

tiżgura li l-konsumaturi jista’ jkollhom aċċess għal kontenut disponibbli legalment dwar termini ġusti u raġonevoli bejn il-fruntieri.

teżamina sa liema punt il-konsumaturi jiġu ddiskriminati onlajn fuq il-bażi tal-pajjiż li jgħixu fih u l-konsegwenzi għall-ekonomija u l-konsumatur ta’ dan, u tipproponi l-passi neċessarji sabiex tiġi indirizzata kwalunkwe diskriminazzjoni;

teżamina l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur, tistabbilixxi kif id-drittijiet tal-konsumatur japplikaw għall-prodotti diġitali u tiżgura li l-konsumaturi u n-negozji jifhmu d-drittijiet tagħhom u jkunu kunfidenti li dawn se jiġu infurzati.

4.1.3.   Miżuri fil-qasam tal-konsenja tal-pakketti

Il-konsenja rapida tal-pakketti hija l-muftieħ għas-sodisfazzjon tal-konsumatur fis-swieq tal-kummerċ elettroniku u domestiku u qed taħdem sew. Huwa loġiku li l-kummerċ elettroniku transfruntier għandu jiġi appoġġjat b’mod simili, għalkemm il-Kummissjoni tinnota li s-servizzi tal-pakketti internazzjonali prinċipali diġà joperaw fl-Ewropa.

4.1.4.   Rieżami estensiv għat-tħejjija ta’ proposti leġislattivi sabiex jittrattaw imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat  (3)

Dan japplika għas-servizzi tal-kummerċ elettroniku u dawk awdjoviżivi. Fil-kummerċ elettroniku, it-tfittxijiet għal oġġetti u servizzi rari jagħtu riżultati barra miż-żona ġeografika ta’ min qed ifittex. Min-naħa l-oħra, il-provvista ta’ riżultati fl-UE tista’ tkun wisq.

Fil-fatt, min qed ifittex jista’ jirranġa l-magni tat-tiftix għal kwalunkwe żona ġeogragika meħtieġa. Problema waħda hija li l-konsumaturi minn żona ġeografika differenti jistgħu jkunu soġġetti għal prezzijiet diskriminatorji, bħal ma wera l-każ reċenti ta’ Disneyland Paris. Il-KESE jappoġġja azzjonijiet li jiżguraw li l-kummerċ transfruntier jsir fuq kundizzjonijiet ekwi, sabiex il-konsumatur ikun protett. Problema oħra hija li f’ċerti każijiet, l-aċċess transkonfinali għas-siti web huwa sempliċement projbit.

L-imblukkar awdjoviżiv għandu żewġ dimensjonijiet: ir-restrizzjoni tal-aċċess estern minn ċittadini nazzjonali li qed jivvjaġġaw li għandhom dritt għall-aċċess tas-servizzi domestiċi, u r-restrizzjoni ta’ aċċess estern għal persuni mhux ċittadini li l-pretensjoni għall-aċċess tagħhom hija bbażata fuq iċ-ċittadinanza fl-UE. Fl-ewwel każ, il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ identitajiet diġitali li jiffaċilitaw l-aċċess. Fl-aħħar każ, il-KESE jaf li l-biċċa l-kbira tal-imblukkar ġeografiku huwa kkawżat minn restrizzjonijiet tad-drittijiet jew tħassib kummerċjali. Qafas tad-drittijiet semplifikat jista’ jgħin iżda għandha tingħata attenzjoni sabiex il-mudelli kummerċjali marbutin mar-reklamar u l-aċċess għas-suq ma jiġux imfixkla.

4.1.5.   Indaġni tas-settur tal-kompetizzjoni fil-kummerċ elettroniku, dwar il-kummerċ onlajn tal-oġġetti u l-forniment onlajn ta’ servizzi

Il-KESE jilqa’ s-sorveljanza tas-suq mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u reġim strett ta’ sanzjonijiet kontra l-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti. Madankollu, fl-istess ħin, il-KESE jinnota li t-teknoloġija u l-ekonomija diġitali tmexxew minn kumpaniji kbar għall-benefiċċju tal-ekonomija u s-soċjetà inġenerali. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-indaġnijiet previsti jkunu bbażati biss fuq il-prinċipji stabbiliti tal-liġi kummerċjali u tal-kompetizzjoni.

4.1.6.   Proposti leġislattivi għal riforma tar-reġim tad-drittijiet tal-awtur

Il-KESE jappoġġja dawn il-proposti sakemm il-mudelli kummerċjali differenti jibqgħu vijabbli u d-drittijiet tas-sidien tal-proprjetà intellettwali jiġu rrispettati.

4.1.7.   Rieżami tad-Direttiva dwar is-Servizzi bil-Kejbil u bis-Satellita

Din id-direttiva tikkonċerna l-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u r-regoli relatati mad-drittijiet tal-awtur applikabbli għax-xandir bis-satellita u t-trażmissjoni mill-ġdid bil-kejbil. Il-Kumitat jaqbel li jeħtieġ li tiġi rieżaminata d-Direttiva kemm fil-kuntest tal-proposti leġislattivi antiċipati fil-paragrafu 4.1.6 kif ukoll biex tirrifletti l-bidliet profondi li qed iseħħu f’dawn l-industriji.

4.1.8.   Proposti leġislattivi biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji li jirriżulta minn reġimi differenti tal-VAT

It-tassazzjoni tat-teknoloġija diġitali hija fattur ewlieni għas-suċċess tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, għaliex huwa evidenti li l-liġijiet tat-taxxa Ewropej u nazzjonali mhumiex adegwati għar-realtajiet tal-ekonomija diġitali u jwasslu għal evażjoni tat-taxxa u kompetizzjoni inġusta. Il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni dwar il-VAT (jiġifieri li jkun hemm enfasi fuq il-post fejn il-konsumatur ikun ibbażat aktar milli l-post fejn ikun stabbilit il-fornitur tas-servizz) kif ukoll il-prinċipju ta’ tassazzjoni diretta, li tiżgura li l-profitt ikun intaxxat fil-post fejn jiġi ġġenerat il-valur. Il-KESE jappoġġa wkoll il-Kummissjoni fl-isforzi tagħha li tneħħi l-burokrazija żejda imposta fuq negozji b’riżultat ta’ disparitajiet bejn ir-reġimi tal-VAT. Fir-rigward tal-punt (iv), soluzzjoni aktar sempliċi tista’ tkun li tiġi estiża l-eżenzjoni għal tranżazzjonijiet fl-UE.

4.2.    Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet tajba għal netwerks u servizzi diġitali biex jiffjorixxu

4.2.1.   Proposti leġislattivi biex jirriformaw ir-regoli attwali tat-telekomunikazzjonijiet

Id-differenza evidenti bejn l-Ewropa, l-Asja u l-Istati Uniti fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet hija l-frammentazzjoni tas-suq Ewropew. Sabiex jinħolqu organizzazzjonijiet bil-kapaċitajiet ta’ investiment u riċerka li jippermettulhom ikunu kompetittivi fil-livell dinji, kull analiżi għandha tikkunsidra wkoll il-kapaċitajiet tal-fornituti tas-servizzi tal-komunikazzjoni bl-Internet tal-Grad 1 u Grad 2 minħabba t-tkabbir esponenzjali tat-traffiku diġitali. Ir-rieżami għandu jfittex ukoll li tikseb soluzzjoni bbilanċjata għall-kwistjoni tan-newtralità tal-Internet. Sal-punt fejn il-medja awdjoviżiva qed u se tiġi pprovduta bl-Internet, l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet irid ikollhom il-libertà li jissodisfaw l-aspettattivi tal-utent fit-termini tal-kwalità u l-veloċità tal-provvista.

Fir-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni, il-Kumitat jilqa’ l-enfasi kontinwa dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, flimkien mal-motivazzjoni li titnaqqas il-frammentazzjoni u tiżdied l-armonizzazzjoni.

4.2.2.   Rieżami tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Medja Awdjoviżiva

Jidher b’mod ċar li hemm disparitajiet kbar bejn ir-regolament tax-xandara bil-liċenzja u fornituri tas-servizzi mhux irregolati. Il-limiti huma inqas ċara minħabba t-trażmissjoni mill-ġdid ta’ xandir irregolat fuq broadband u l-varjetà ta’ siti web li jiddistribwixxu Video on Demand (VOD), il-folol ta’ bloggers fil-qasam tal-aħbarijiet u d-dimensjoni diġitali marbuta mal-gazzetti.

Madankollu, il-Kumitat jiddubita li huwa favorevoli li jiġu rregolati s-servizzi kollha fuq bażi uniformi. Ix-xandir lineari għandu jaderixxi ma’ standards minħabba obbligi ta’ servizzi pubbliċi u minħabba li l-għażla tal-ispettatur hija limitata. L-aċċess għal siti web tal-broadband huwa taħt il-kontroll tal-ispettatur, kif inhu l-kontroll mill-ġenituri. Minħabba l-veloċità tal-bidla fl-industrija, rieżami se jkun f’waqtu u se jkunu meħtieġa tibdiliet, iżda għandu jinkiseb bilanċ.

4.2.3.   Analiżi komprensiva tar-rwol tal-pjattaformi fis-suq inkluż kontenut illegali fuq l-Internet

Huwa ċar li l-aġenda diġitali tal-UE tiddependi ħafna – u hija mmexxija minn – pjattaformi, kif inhu l-każ għal reġjuni oħra fid-dinja. Is-suċċess tal-pjattaformi prinċipali tahom pożizzjoni dominanati, u dik il-pożizzjoni ma tridx tiġi abbużata. Madankollu, il-KESE javża lill-Kummissjoni li dan m’għandux ixekkel l-operazzjonijiet ta’ dawn il-kumpaniji biss għaliex huma kbar u jagħmlu suċċess. Jekk isir dan, hemm ir-riskju li jitqiegħdu ostakli fil-mod kif jiġi żviluppat is-Suq Uniku Diġitali fl-Ewropa.

Minkejja dan, il-ħames punti ta’ azzjoni proposti mill-Kummissjoni huma raġonevoli u jagħmlu sens. Dawn għandhom il-potenzjal li jtejbu l-utilità tal-pjattaformi fis-Suq Uniku Diġitali. Huwa essenzjali li l-Kummissjoni tadotta approċċ ibbilanċjat u ma tinjorax l-interessi kummerċjali leġittimi tal-pjattaformi.

4.2.4.   Rieżami tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika

Il-KESE jappoġġja dan l-approċċ għall-protezzjoni tad-data personali. Il-KESE mhuwiex konvint li l-istat preżenti tad-“dritt li jkun minsi” huwa vijabbli fit-tul għaliex din l-interpretazzjoni preżenti tal-UE hija estensiva wisq u huwa teknikament diffiċli li jinżamm dan id-dritt fi ħdan l-Internet globali. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirfina dan id-“dritt” sabiex jipproteġġi lil persuni vulnerabbli u tiżgura l-aċċettazzjoni globali tiegħu.

4.2.5.   Twaqqif ta’ Sħubija Pubblika Privata kuntrattwali ta’ Ċibersigurtà

Fl-ekonomija diġitali, l-istadji varji tal-katina tal-valur m’għandhomx limitu u jmorru lil hinn mid-dimensjoni nazzjonali, li tikkontribwixxi għall-firxa taċ-ċiberkriminalità. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tipprovdi sħubija mal-industrija dwar iċ-ċibersigurtà, sal-limitu fejn kultura ta’ ġestjoni tar-riskju u fluss effiċjenti tal-informazzjoni, li ilhom jitfasslu għal żmien twil, fl-aħħar se jieħdu forma.

Hemm karatteristika waħda taċ-ċiberkriminalità li l-Kummissjoni ma indirizzatx: l-ICT toffri possibilitajiet għas-sorveljanza ċibernetika li jistgħu jiġu sfruttati sabiex jiġu kkontrollati data u komunikazzjoni personali għad-detriment tal-libertà individwali, jew jistgħu saħansitra jintużaw bħala mezzi ta’ spjunaġġ fuq l-istati u l-gvernijiet tagħhom. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE jqis li huwa neċessarju li jsiru arranġamenti biex tinġabar l-informazzjoni u jittejbu l-kapaċitajiet fil-qasam tad-detezzjoni u l-intervent fil-livell tal-UE.

Il-Kummissjoni ma tagħti l-ebda indikazzjoni dwar l-ambitu tal-isħubija proposta, ir-riżultati mistennija jew l-istruttura tas-sħubija (sieħeb wieħed jew ħafna). Il-Kumitat jenfasizza wkoll l-iskala ta’ investiment fis-suq fiċ-ċibersigurtà fil-preżent. Għal dawn iż-żewġ raġunijiet, il-Kumitat ma jistax jikkumenta fuq din il-proposta sakemm ikun hemm aktar informazzjoni.

4.3.

Massimizzar tal-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija diġitali

4.3.1.   Inizjattivi dwar is-sjieda tad-data, il-fluss liberu tad-data (eż. bejn fornituri tal-cloud) u dwar Cloud Ewropea

Il-KESE huwa konxju mill-kunflitt fl-ambjent tal-big data bejn is-sigurtà tad-data personali u l-bżonn li tinġabar data personali f’analiżi kbar għal skopijiet ekonomiċi, soċjali u mediċi. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża r-rieżami ppjanat sabiex issolvi dan il-kunflitt.

4.3.2.   Adozzjoni ta’ Pjan ta’ Standards tal-ICT ta’ Prijorità li jestendi l-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi

Il-KESE jappoġġja din l-inizjattiva. Filwaqt li nkiseb grad ta’ standardizzazzjoni tal-ħardwer u tas-softwer tas-sistemi minn kumitati internazzjonali, hemm ċertament opportunità kbira ħafna għall-istandardizzazzjoni u l-interoperabilità fil-livell settorjali, tal-applikazzjoni u tal-app b’potenzjal kbir immens għaż-żieda tal-valur u r-rilevanza fis-Suq Uniku Diġitali.

4.3.3.   Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern Elettroniku ġdid, inkluża inizjattiva dwar il-prinċipju ta’ “darba biss” u inizjattiva dwar il-bini tal-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali.

Ir-responsabbiltà għall-gvern elettroniku tinsab fi ħdan l-Istati Membri. Xi wħud jaqdu rwol mexxej waqt li oħrajn għadhom lura. Il-progress lejn gvern elettroniku li jiffunzjona sew huwa prerekwiżit indispensabbli għal Suq Uniku Diġitali.

4.3.4.   Ħiliet u kompetenza diġitali

Il-Kummissjoni ma tipprevedix programm leġislattiv għal ħiliet u kompetenza diġitali, u tħalli l-kwistjoni f’idejn l-Istati Membri. Il-KESE huwa diżappuntat li m’hemmx inizjattivi ġodda f’dan il-qasam. Bħala minimu, il-Kumitat jistenna Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tinkludi standards u prattika tajba. Barra minn hekk, għandu jkun hemm enfasi fuq il-matematika u l-litteriżmu billi dawn huma komponenti ewlenin għall-ħiliet diġitali.

Il-Komunikazzjoni prevista mill-KESE tipprovdi qafas adattat għall-istadji differenti tal-ħajja, flimkien ma’ proposti ġenerali għat-tagħlim tul il-ħajja. Il-qafas għandu jkollu erba’ komponenti: l-edukazzjoni, l-impjieg, l-irtirar u d-diżabilità.

A

EDUKAZZJONI

A1

Skejjel primarji – ħiliet bażiċi

A2

Skejjel sekondarji – huma previsti 2 flussi:

sett sħiħ ta’ ħiliet sabiex l-istudenti jkunu kapaċi jgħixu u jaħdmu b’mod kunfidenti fis-soċjetà tal-informazzjoni;

sett speċjali ta’ ħiliet diġitali għal studenti bil-potenzjal li jkunu prattikanti tal-ICT kapaċi li jimlew id-distakk fil-ħiliet industrijali. Huwa f’dan il-kuntest li għandhom isiru aktar sforzi sabiex jinkiseb bilanċ aħjar bejn is-sessi fit-teknoloġija informatika.

A1 & A2 Kemm fl-edukazzjoni primarja kif ukoll f’dik sekondarja huwa importanti li jiġi żviluppat l-użu responsabbli tal-ħiliet diġitali.

A3

Edukazzjoni terzjarja – huma previsti 2 flussi:

ħiliet relatati ma’ kull vokazzjoni, inklużi fit-tagħlim u l-eżamijiet fil-kurrikuli bħall-inġinerija, il-matematika u l-bijoteknoloġija;

edukazzjoni dwar teknoloġija avvanzata, li tikkwalifika lill-istudenti li jimlew postijiet battala fl-industriji tat-teknoloġija.

B

XOGĦOL

B1

Taħriġ relatat max-xogħol minn impjegaturi b’attenzjoni kontinwa fuq taħriġ mill-ġdid u żvilupp professjonali kontinwu sabiex jinżamm il-valur tal-ħiliet.

B2

Taħriġ fil-ħiliet għal nies qiegħda li għandu jiġi organizzat mill-awtoritajiet pubbliċi, permezz ta’ aġenziji adegwati.

C

IRTIRAR

C1

Ħiliet tas-soċjetà tal-informazzjoni li għandhom ikunu disponibbli b’mod universali għal dawk li l-ħajja u l-karriera tagħhom qabżu ż-żmien tas-soċjetà tal-informazzjoni

C2

Programmi speċjali li jgħinu lil dawk li għandhom diżabilità sabiex jibqgħu jagħmlu parti mis-soċjetà tal-informazzjoni.

D

DIŻABILITÀ

Appoġġ f’kull stadju li jintroduċi lil persuni b’diżabilità fis-soċjetà tal-informazzjoni u wara jżommhom hemm, anke meta d-diżabilità ssir aktar akuta.

Huwa ċar mid-data fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li hemm distakki fil-ħiliet f’kull età u reġjun. Il-Kumitat jemmen li programm strutturat u kontrollat biss f’kull Stat Membru jista’ jiżgura li ftit, jekk xejn, ċittadini jiġu esklużi mis-soċjetà tal-informazzjoni u s-Suq Uniku Diġitali. Il-KESE talab bosta drabi għal azzjoni determinata dwar il-ħiliet. Fil-kuntest tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, wasal iż-żmien li l-Kummissjoni tieħu azzjoni.

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-effetti tad-diġitalizzazzjoni fuq is-settur tas-servizzi u l-impjieg b’rabta mal-bidla industrijali” (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161).

(2)  Ara nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(3)  Id-Direttiva 2006/123/KE.


24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015-2020)”

[COM(2015) 285 final]

(2016/C 071/12)

Relatur:

is-Sinjura Brenda KING

Nhar is-6 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015-2020)”

[COM(2015) 285 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tal-10 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’176 vot favur, 3 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ b’sodisfazzjon l-għanijiet iddikjarati fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (1), jiġifieri “biex jiġi miġġieled u evitat it-traffikar tal-migranti, filwaqt li jiġi żgurat li l-migranti jkunu mħarsa skont id-drittijiet tal-bniedem” u “biex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni irregolari”. Il-KESE jfakkar li r-refuġjati jgawdu minn status speċjali mogħti mill-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-istatus tar-refuġjati.

1.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Pjan ta’ Azzjoni bix jiġu sfaxxati n-netwerks tal-kriminalità organizzata permezz ta’ investigazzjonijiet immexxija mill-intelligence u investigazzjonijiet finanzjarji, bil-għan li jintemm il-ħasil tal-flus u jiġu kkonfiskati l-assi marbutin mal-attivitajiet illeċiti; madankollu, jirrakkomanda bil-qawwa li l-pjan jadotta approċċ iżjed ibbilanċjat u komprensiv billi jipprovdi dettalji dwar kif l-UE ser tipproteġi u tgħin lil dawk li jkunu ttraffikati.

1.3.

Filwaqt li jibni fuq l-istqarrija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li “[I]n-netwerks ta’ traffikar jistgħu jiddgħajfu jekk inqas nies ifittxu s-servizzi tagħhom”, il-KESE jieħu nota tal-istqarrija tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità li huwa “diffiċli, jekk mhux impossibbli, li bosta nies li jgħixu f’pajjiżi foqra jew żoni milqutin minn kunflitti armati u instabbiltà politika jiksbu viża għaż-żona Schengen. Individwi u gruppi li l-għan tagħhom huwa li jagħmlu l-qligħ, ħadu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni u żviluppaw negozju profitabbli biex jissodisfaw id-domanda għall-qsim tal-fruntieri” (2). Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miżuri ta’ prevenzjoni billi tintlaqa’ t-talba tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex l-UE tikkunsidra li żżid rotot sikuri u legali lejn l-Ewropa għar-refuġjati u l-migranti, sabiex ma jitħallewx f’idejn netwerks kriminali u jagħmlu vjaġġi perikolużi. Dawn l-istqarrijiet jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet f’bosta opinjonijiet tal-KESE dwar il-migrazzjoni.

1.4.

Il-KESE jaqbel li jeħtieġ li jiġi implimentat il-prinċipju tas-solidarjetà u r-responsabbiltà konġunta biex tiġi żgurata distribuzzjoni aktar bilanċjata tal-applikazzjonijiet għall-asil bejn l-Istati Membri. Jeħtieġ li l-Konvenzjoni ta’ Dublin tiġi adattata biex tirrifletti din is-sistema iżjed inklużiva u tipproteġi l-Ftehim ta’ Schengen.

1.5.

Għaldaqstant, il-KESE japprova l-istqarrija tal-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, li fiha wissa lill-Istati Membri biex ma japprofittawx mill-kriżi tal-migranti biex jisfaxxaw il-Ftehim ta’ Schengen (3). Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni ssegwi dawn l-iżviluppi b’attenzjoni kbira u tiżgura li l-affarijiet jerġgħu jirritornaw għan-normal mill-iżjed fis.

1.6.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiżdiedu wkoll is-setgħat tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, speċjalment fir-rigward tal-attivitajiet operattivi ta’ appoġġ tiegħu u t-timijiet ta’ appoġġ konġunt fil-qasam tal-asil fl-Istati Membri li jeħtieġu għajnuna speċjali jew ta’ emerġenza. Huwa fundamentali li l-Unjoni tiżgura li l-Istati Membri jagħmlu użu aktar armonizzat, koerenti, indipendenti u flessibbli tal-viżi umanitarji, kif hemm previst fil-Kodiċi Komuni dwar il-Viżi.

1.7.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta l-iżjed reċenti tal-Kummissjoni li “[tindirizza] d-dimensjoni esterna tal-kriżi tar-refuġjati” (4), inkluża t-tnedija ta’ Fond Fiduċjarju ta’ emerġenza għall-Afrika. Jidher li din il-proposta tirrikonoxxi li l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni huwa usa’ mill-affarijiet interni u s-sigurtà, iżda huwa marbut ma’ oqsma oħra ta’ politika bħalma huma l-kummerċ, l-iżvilupp, il-politika barranija u l-integrazzjoni. Dan huwa konformi mal-prinċipju tal-koerenza fil-politika f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni tal-UE fl-iżvilupp internazzjonali.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda li, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi soċjoekonomiċi fundamentali tat-traffikar tal-migranti, l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli għandha tintuża bħala soluzzjoni fit-tul. Il-KESE jixtieq ifakkar lill-Istati Membri tal-UE dwar l-impenn tagħhom li jallokaw 0,7 % tad-dħul nazzjonali gross (DNG) tagħhom għall-għajnuna għall-iżvilupp. F’ħafna każijiet dan l-impenn ma ntlaħaqx; xi Stati Membri saħansitra naqqsu l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp.

1.9.

Minħabba l-isfidi tal-Ewropa marbutin ma’ tkabbir kajman, popolazzjoni li qed tixjieħ u qed tonqos kif ukoll in-nuqqas ta’ ħaddiema, huwa wkoll importanti li l-politika tal-migrazzjoni tal-UE tintrabat mal-politiki tal-migrazzjoni tax-xogħol u l-integrazzjoni bħala parti mis-suq Ewropew tax-xogħol, fid-dawl tal-evidenza wiesgħa li teżisti li l-migrazzjoni hija fattur kruċjali tal-irkupru ekonomiku u l-iżvilupp fl-Ewropa.

1.10.

Il-KESE jaqbel li jeħtieġ li l-politika dwar ir-ritorn fi ħdan l-UE titjieb, u jfakkar lill-Kummissjoni dwar l-għadd kbir ta’ rakkomandazzjonijiet tagħha li d-drittijiet tal-applikanti għall-asil jiġu rispettati f’kull ħin.

1.11.

Din l-Opinjoni titlob lir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE u lill-gvernijiet nazzjonali biex iqisu r-rwol ċentrali tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata biex tingħata perspettiva soċjali u valur miżjud lill-politiki Ewropej tal-migrazzjoni.

1.12.

Il-KESE jitlob ukoll li tingħata aktar attenzjoni lill-finanzjament sistematiku tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed jipprovdu assistenza kruċjali lill-migranti tul triqthom lejn is-sikurezza kif ukoll fl-isforzi ta’ integrazzjoni, li ħafna drabi jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ kapaċitajiet istituzzjonali. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-approċċ fejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ser jiġu rikonoxxuti għar-rwol tagħhom fil-fehim tal-kwistjoni tat-traffikar tal-migranti u r-rwol tagħhom bħala intermedjarji fl-assistenza li jagħtu lill-persuni f’sitwazzjonijiet fejn la l-istati nazzjonali u lanqas l-UE ma jistgħu jgħinu.

2.   Kuntest

2.1.

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (5), adottata fit-13 ta’ Mejju 2015, tiddeskrivi l-miżuri immedjati li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni b’reazzjoni għas-sitwazzjoni ta’ kriżi fil-Mediterran u tidentifika l-ġlieda kontra t-traffikar tal-migranti bħala prijorità “biex jiġi impedit l-isfruttament tal-migranti minn netwerks kriminali (…). Dan jaġixxi wkoll bħala diżinċentiv għall-migrazzjoni irregolari”.

2.2.

Minn mindu ġiet adottata din l-aġenda, iċ-ċirkustanzi li kulma jmur qed jinbidlu b’ritmu mgħaġġel, b’għadd kbir ta’ wasliet ta’ applikanti għall-asil, ħolqu sitwazzjoni eċċezzjonali, u b’hekk il-Kummissjoni Ewropea kellha tieħu azzjoni deċiżiva li tippubblika pakkett komprensiv ta’ proposti fid-9 ta’ Settembru 2015, biex tindirizza l-kriżi tar-refuġjati.

2.3.

Ir-raġuni għall-proposta tal-Kummissjoni (6) hija l-fatt li s-sitwazzjoni migratorja fiċ-Ċentru u fil-Lvant tal-Mediterran kompliet tiqliel. Skont il-Frontex, mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Awwissu 2015, ir-rotot li jgħaddu miċ-Ċentru u mil-Lvant tal-Mediterran u r-rotta li tgħaddi mill-Balkani tal-Punent huma ż-żoni prinċipali għall-qsim irregolari tal-fruntieri fl-UE, u jirrappreżentaw 99 % tal-qsim irregolari kollu tal-fruntieri tal-UE. Frontex turi wkoll li r-rotta li tgħaddi mill-Balkani tal-Punent tammonta għal aktar minn 30 % tal-qsim irregolari kollu tal-fruntieri fl-2015. Dan jirrappreżenta fluss ta’applikanti għall-asil ta’ bejn wieħed u ieħor 500 000, u dan jagħmel pressjoni qalila fuq l-istati tal-UE li jinsabu fuq fruntiera (7). Il-maġġoranza ta’ dawk li jaslu permezz tar-rotta taċ-Ċentru tal-Mediterran tinkludi migranti mis-Sirja u mill-Eritrea, li skont data mill-Eurostat għandhom rata ta’ rikonoxximent tal-asil ta’ aktar minn 75 %. Bl-istess mod, il-maġġoranza ta’ dawk il-migranti li jaslu billi jgħaddu mir-rotot tal-Lvant tal-Mediterran u tal-Balkani tal-Punent toriġina mis-Sirja u mill-Afganistan. Dan huwa konformi mal-istqarrija tal-UNODC li ‘l fuq minn 80 % tal-persuni li jaslu fl-Ewropa bil-baħar din is-sena huma mill-iżjed għaxar pajjiżi fid-dinja li jipproduċu refuġjati (8).

2.4.

Skont il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) hemm 4 185 302 refuġjati Sirjani reġistrati sad-data tal-4 ta’ Ottubru 2015. Din iċ-ċifra tinkludi 2,1 miljun Sirjan reġistrati mill-Eġittu, l-Iraq, il-Ġordan u l-Libanu, 1,9 miljun Sirjan reġistrati mill-Gvern tat-Turkija, kif ukoll aktar minn 26 700 refuġjat Sirjan reġistrati fl-Afrika ta’ Fuq (9).

2.5.

Issa li l-kunflitt tas-Sirja qed joqrob lejn il-ħames sena tiegħu, studju tal-UNHCR juri deterjorament rapidu fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-refuġjati Sirjani fil-Ġordan, b’numri kbar li qed joqorbu lejn faqar estrem minħabba l-kobor tal-kriżi u l-appoġġ insuffiċjenti mill-komunità internazzjonali; 37 % biss tal-appell tal-UNHCR dwar is-Sirja ġew iffinanzjati. L-UNHCR jgħid li sakemm ikun hemm biżżejjed flus biex jissaħħu l-infrastrutturi tal-pajjiżi ospitanti (ġirien tal-UE) u jittejbu l-ħajja u l-prospetti tal-popolazzjonijiet tar-refuġjati tagħhom, il-persuni se jibqgħu jitilqu lejn l-Ewropa. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tar-refuġjati huma fqar wisq biex jitilqu ‘l barra mill-kampijiet tar-refuġjati, dawk li għandhom il-mezzi qed ifittxu s-servizzi tat-traffikanti.

2.6.

Fil-Proposta tagħha għal Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 (10), il-Kummissjoni tiddikjara li se tkompli tissorvelja l-iżviluppi fil-flussi migratorji, inkluża s-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukrajna jekk tmur iżjed għall-agħar.

2.7.

Din il-kriżi eċċezzjonali tar-refuġjati qed isseħħ waqt li s-sitwazzjoni ekonomika fl-UE qed ikollha impatt fuq il-kapaċità u r-rieda ta’ xi Stati Membri, b’mod partikolari l-istati fuq il-fruntiera, li jipprovdu servizzi umanitarji, b’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra (11). Il-miżuri ta’ awsterità laqtu wkoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jipprovdu servizzi lill-applikanti għall-asil. Xi Stati Membri rreaġixxew billi ssikkaw il-kontrolli fil-fruntieri filwaqt li oħrajn għamlu liġijiet li jżommu u jippenalizzaw dawk li jaqsmu l-fruntieri ta’ Schengen biex japplikaw għall-asil.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jixtieq isaħħaħ il-messaġġ tiegħu – lill-korpi kollha responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet – li l-UE taġixxi bħala Unjoni reali billi tadotta, tirrispetta u tapplika regoli komuni. Il-fażi l-ġdida tal-politika Ewropea tal-immigrazzjoni għandha tkun strateġika, b’viżjoni fuq perjodu medju u twil ta’ żmien, u għandha tiffoka fuq is-sejbien ta’ mod olistiku u komprensiv ta’ kif jiġu pprovduti mezzi legali, miftuħin u flessibbli għall-ammissjoni fl-UE (12). Il-kriżi attwali se teħtieġ approċċ komuni għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni filwaqt li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u l-aġenziji Ewropej b’mod li jwettqu kompiti operattivi bil-livell adatt ta’ finanzjament.

3.2.

Il-KESE jixtieq jagħti l-kontribut tiegħu permezz ta’ proposti strateġiċi abbażi tal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwistjoni tal-migrazzjoni (13). Ir-rwol tal-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata u d-djalogu soċjali għandhom ikunu preżenti fil-proċess kollu tad-dibattitu li jwassal għall-fażi li jmiss tal-politika Ewropea tal-migrazzjoni. Il-“perspettiva soċjali” hija l-qofol biex jiġu żgurati l-valur miżjud, il-proporzjonalità u l-impatt ta’ dawn il-politiki.

3.3.

Il-KESE jitlob li, f’dan ir-rigward, jitwieżnu sew is-sitwazzjoni demografika u t-tixjiħ tal-popolazzjoni u s-swieq tax-xogħol fl-Istati Membri. Fl-Opinjoni esploratorja tiegħu tal-2011 (14) dwar ir-rwol tal-immigrazzjoni legali fil-kuntest tal-isfida demografika tal-Ewropa, il-KESE saħaq li għandha tiżdied l-immigrazzjoni ta’ ħaddiema u familji li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi. L-UE teħtieġ leġislazzjoni miftuħa u flessibbli li tagħmel possibbli l-immigrazzjoni marbuta max-xogħol permezz ta’ mezzi legali u trasparenti, kemm għall-ħaddiema bi kwalifiki għoljin u medji kif ukoll għal dawk inqas ikkwalifikati sakemm l-Istati Membri jitħallew jiddeterminaw il-volumi proprji għall-ammissjoni. Fl-istess ħin, huwa rikonoxxut li l-immigrazzjoni mhijiex l-uniku rispons għan-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol u l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw soluzzjonijiet iktar adatti.

3.4.

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa r-reviżjoni tar-Regolament ta’ Dublin, fid-dawl tal-fatt li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem indikaw li hemm dgħufija inerenti marbuta ma’ dan ir-Regolament. Minħabba li r-responsabbiltà li jiġi eżaminat l-istatus ta’ refuġjat hija tat-territorju li fih ir-refuġjati jagħmlu d-dħul inizjali tagħhom, l-istati tal-UE li jinsabu fuq fruntiera qed jitgħabbew b’piż eċċessiv.

3.5.

Il-KESE huwa kkonċernat ħafna dwar id-dgħufija attwali tal-ftehim ta’ Schengen, minħabba li huwa wieħed mill-kisbiet fundamentali ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tal-UE. Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni ta’ dawk l-Istati Membri li reġgħu introduċew jew qed jippjanaw li jintroduċu mill-ġdid kontrolli mal-fruntieri fi ħdan iż-żona Schengen u jitlob li l-Kummissjoni ssegwi dawn l-iżviluppi b’attenzjoni kbira u tiżgura li l-affarijiet jerġgħu jirritornaw għan-normal mill-iżjed fis.

3.6.

Il-Komunikazzjoni tgħid li l-Pjan ta’ Azzjoni għandu jitqies fil-kuntest usa’ tal-isforzi tal-UE biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u mbagħad tiddiskuti fis-sentenza li jmiss l-operazzjoni biex jiġu identifikati, jinqabdu u jintremew il-bastimenti użati mit-traffikanti. Il-KESE ma jaqbel xejn li l-aċċess għal bastiment huwa kawża fundamentali tal-migrazzjoni irregolari. Għall-kuntrarju, l-enfasi stretta fuq il-konfiska tal-bastimenti biss taggrava r-riskji għall-migranti traffikati peress li t-traffikanti jużaw l-orħos u l-aktar bastimenti perikolużi.

3.7.

Il-KESE jirrakkomanda li jeħtieġ li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ effiċjenza fil-politiki tal-għajnuna għall-iżvilupp f’dak li jirrigwarda l-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti u li l-Istati Membri tal-UE jeħtieġu jimpenjaw ruħhom mill-ġdid b’rabta mal-wegħda tagħhom ta’ 0,7 % tad-dħul gross nazzjonali għall-għajnuna għall-iżvilupp. Barra minn hekk, l-UE għandha tiżgura li politiki rilevanti oħrajn, pereżempju l-il-kummerċ internazzjonali, l-agrikoltura, l-enerġija u l-politika barranija, ikollhom effetti pożittivi fuq l-istabbiltà soċjali u ekonomika u l-iżvilupp tal-pajjiżi ta’ oriġini, b’konformità mal-prinċipju tal-koerenza fil-politika f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni tal-UE fl-iżvilupp internazzjonali.

3.8.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-għajnuna mill-Istati Membri tal-UE u l-għajnuna tal-UE jistgħu jilħqu l-għanijiet tagħhom biss f’soċjetà sigura mingħajr gwerer u problemi kbar ta’ sigurtà. Għalhekk, huwa importanti li l-komunità internazzjonali timplimenta l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, adottati mill-mexxejja dinjija fis-Summit tan-NU f’Settembru 2015. Dawn l-għanijiet huma diversi: il-qerda tal-faqar, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bniet u n-nisa kollha, it-tnaqqis tal-inugwaljanza fi ħdan u bejn il-pajjiżi, il-promozzjoni ta’ tkabbir sostnut, inklużiv u sostenibbli u xogħol deċenti għal kulħadd kif ukoll il-promozzjoni ta’ soċjetajiet paċifiċi u inklużivi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-għanijiet iddikjarati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti iżda jirrakkomanda bil-qawwa li dan il-pjan jadotta approċċ aktar ibbilanċjat u komprensiv biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Il-KESE jinnota li ma jingħata l-ebda dettall dwar kif l-UE se tipproteġi u tgħin lil dawk traffikati u ma hemm l-ebda referenza speċifika għar-rwol pożittiv tal-migrazzjoni fis-suq Ewropew tax-xogħol u l-iżvilupp ekonomiku.

4.2.

Il-KESE jinnota li filwaqt li hemm distinzjoni bejn it-traffikar tal-migranti (migrant smuggling fil-verżjoni Ingliża tal-Komunikazzjoni) u t-traffikar tal-bnedmin, ma ssir l-ebda distinzjoni bejn il-migranti u l-applikanti għall-asil. Dan huwa importanti, peress li s-Segretarju Ġenerali tan-NU fakkar lil dawk responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew li l-biċċa l-kbira tal-persuni li jagħmlu vjaġġi diffiċli u perikolużi huma refuġjati li jkunu qed jaħarbu minn postijiet bħas-Sirja, l-Iraq u l-Afganistan. Il-liġi internazzjonali stipulat – u l-Istati ilhom li għarfuh –id-dritt tar-refuġjati għall-protezzjoni u l-asil. Meta jikkunsidraw l-applikazzjonijiet għall-asil, l-Istati ma jistgħux jagħmlu distinzjoni abbażi ta’ reliġjon jew kwalunkwe identità oħra – u lanqas ma jistgħu jisfurzaw lin-nies biex jirritornaw lejn il-postijiet minn fejn ikunu ħarbu jekk ikun hemm biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni jew ta’ attakk. Huwa żied jgħid li din mhijiex biss kwistjoni ta’ liġi internazzjonali; huwa wkoll id-dmir tagħna bħala bnedmin. Huwa kompla billi appella lill-gvernijiet kollha involuti biex jipprovdu rispons komprensiv, jespandu l-mezzi sikuri u legali tal-migrazzjoni u jaġixxu b’umanità, kompassjoni u b’konformità mal-obbligi internazzjonali tagħhom (15). Il-KESE jirrakkomanda li l-persuni kollha li jagħmlu l-vjaġġ perikoluż lejn l-Ewropa għandhom jiġu ttrattati bħala refuġjati b’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 u l-Protokoll tagħha tal-1967, sakemm ma tinġiebx prova kuntrarja.

4.3.   Titjib fir-rispons tal-pulizija u dak ġudizzjarju

4.3.1.

Il-KESE jirrakkomanda li biex ikun hemm approċċ aktar komprensiv għall-ġlieda kontra t-traffikar, l-applikanti għall-asil għandu jkollhom aċċess għal mezzi siguri u legali tal-migrazzjoni. Dan l-approċċ flimkien mal-isfaxxar tan-netwerks tal-kriminalità organizzata permezz ta’ investigazzjonijiet immexxija mill-intelligence u investigazzjonijiet finanzjarji ser isarrfu f’miżura iżjed effettiva, umana u kosteffettiva.

4.3.2.

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li dawk responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE jiżguraw li “ma jagħmlu l-ebda ħsara” u li jqisu kemm il-konsegwenzi intenzjonati kif ukoll dawk mhux intenzjonati tal-interventi tagħhom. Id-deċiżjoni tal-UE li taqleb minn Mare Nostrum (iffukat fuq it-tiftix u s-salvataġġ) għal Triton (iffukat fuq il-kontroll tal-fruntieri) ma naqqsetx l-għadd ta’ nies li jagħmlu vjaġġi perikolużi lejn l-Ewropa. Madankollu, din id-deċiżjoni kkontribwixxiet għal żieda drammatika fl-għadd ta’ ħajjiet mitlufa fil-Baħar Mediterran. Sal-31 ta’ Mejju 2015, 1 865 persuna mietu huma u jippruvaw jaqsmu l-Baħar Mediterran, apparagun mal-425 matul l-istess perjodu fl-2014 (16). Dan jispjega wkoll il-bidla fil-flussi migratorji li jkunu qed jivvjaġġaw fuq l-art madwar il-Balkani tal-Punent lejn l-Ungerija. Dawk intervistati fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera Ungeriża qalu li għażlu r-rotta li tgħaddi mill-Balkani għaliex kienet irħas u kienet irrakkomandata mit-taffikanti.

4.3.3.

Il-KESE jinnota li t-traffikanti jistgħu jadattaw għal deċiżjonijiet ta’ politika tal-UE bħat-tisħiħ tal-kontrolli mal-fruntiera fil-Baħar Mediterran u l-qerda tal-bastimenti. Ir-riżultat mhux intenzjonat tal-approċċ tal-UE ta’ “gwerra fuq it-traffikanti” kien kaos fil-fruntieri tal-UE, nies jmutu fit-toroq Ewropej kif ukoll fil-baħar u tensjonijiet bejn l-Istati Membri tal-UE.

4.4.   Prevenzjoni mtejba tat-traffikar u assistenza lill-migranti vulnerabbli

4.4.1.

Il-KESE jaqbel li l-Kummisssjoni teħtieġ issaħħaħ il-prevenzjoni tat-traffikar u tassisti lill-migranti vulnerabbli; madankollu dan għandu jsir b’mod koerenti b’mod li l-akbar prijorità tkun li jiġu salvati l-ħajjiet.

4.4.2.

Id-data tal-Frontex turi li 70 % ta ‘dawk li jużaw t-traffikanti biex jaqsmu l-fruntieri tal-UE huma Sirjani, Eritreani u Iraqin. Dawn in-nazzjonalitajiet għandhom rata ta’ rikonoxximent għall-asil mill-UE, abbażi tad-data tal-Eurostat, ta’ 75 % jew aktar. Minħabba li dawn l-individwi u l-familji qed jaħarbu minħabba biża’ ta’ persekuzzjoni jew attakki, kwalunkwe kampanja tal-midja dwar ir-riskji tat-traffikar tkun għalxejn.

4.4.3.

Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li li diġà jeżistu l-istrumenti biex tittieħed azzjoni kontra l-impjieg tal-migranti irregolari fil-livell nazzjonali. Il-proposta tal-Kummissjoni li jintużaw riżorsi limitati biex jiġu indirizzati setturi ekonomiċi speċifiċi fil-livell tal-UE se tkun għalja u ineffettiva.

4.4.4.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-istqarrija fil-pjan ta’ azzjoni li “tipprovdi lill-migranti involuti fit-traffikar, b’mod partikolari gruppi vulnerabbli bħalma huma t-tfal u n-nisa, b’assistenza u protezzjoni.” Madankollu, il-KESE josserva li, apparti din l-istqarrija, il-Pjan ta’ Azzjoni ma jsemmi xejn dwar preċiżament x’ser isir. Dan huwa importanti peress li għadd kbir ta’ dawk li jkunu qed ifittxu l-protezzjoni fl-Ewropa huma tfal mhux akkumpanjati u sseparati. Fl-Italja, l-Ungerija u Malta, madwar 19 000 tifel u tifla mhux akkumpanjati u sseparati waslu matul l-ewwel disa’ xhur tal-2015. Ċerti stati tal-UE li jinsabu fuq fruntiera ma jikkonformawx bis-sħiħ mal-istandards internazzjonali u għandhom kundizzjonijiet ħżiena ta’ akkoljenza, proċeduri ħżiena għad-determinazzjoni ta’ status, rati ta’ rikonoxximent baxxi, kif ukoll nuqqas ta’ aċċess għal soluzzjonijiet dewwiema fir-rigward tas-sanità u l-abitazzjoni. Jeħtieġ li fil-Pjan ta’ Azzjoni jingħad eżattament kif se jiġu megħjuna l-Istati Membri bir-riżorsi neċessarji biex jissodisfaw l-obbligi u r-responsabbiltajiet tagħhom skont id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u b’mod partikolari b’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (17).

4.4.5.

Il-Kumitat jemmen li l-aktar mod effettiv biex tiġi pprovduta assistenza filwaqt li jiddgħajfu n-netwerks tat-traffikar huwa li jiġu limitati dawk li jfittxu s-servizzi tagħhom billi jiġu pprovduti mezzi alternattivi u legali għal vjaġġi lejn l-Ewropa minn pajjiżi terzi fir-reġjuni tal-viċinat tal-Ewropa. B’dan il-mod jiġu salvagwardjati d-drittijiet fundamentali kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

4.4.6.

Il-KESE jtenni li huwa kruċjali li ssir distinzjoni bejn traffikar għal skop ta’ qligħ u dak bl-iskop li jiġu megħjuna l-migranti. Eluf ta’ ċittadini Ewropej ipprovdewlhom trasport u kenn, jew mingħajr l-ebda ħlas, inkella bi spejjeż regolari jew imnaqqsa. L-għajnuna umanitarja u s-solidarjetà għandhom jitħeġġu u mhux jiġi ppenalizzati fl-ambitu tal-aġenda tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti.

4.4.7.

Il-KESE jaqbel li l-effettività tal-politika tar-ritorn tal-UE jeħtieġ li tittejjeb u jieħu din l-opportunità biex ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-bosta rakkomandazzjonijiet tagħha li d-drittijiet tal-bniedem tal-applikanti għall-asil għandhom jiġu rispettati f’kull ħin, sa mis-salvataġġ jew l-akkoljenza tagħhom, sew waqt li jkunu qed jiġu evalwati l-applikazzjonijiet tagħhom, sew jekk l-individwu jitlob l-istatus ta’ protezzjoni jew jinsab f’sitwazzjoni irregolari. Ir-ripatrijazzjoni tal-migranti għandha tikkonforma mar-regoli stabbiliti li jiżguraw li ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew ikun estradit lejn Stat fejn ikun hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti – il-prinċipju tan-non-refoulement. Il-KESE jtenni l-oppożizzjoni tiegħu li jiġu rritornati minorenni mhux akkumpanjati, individwi li jeħtieġu kura medika u nisa tqal.

4.5.   Kooperazzjoni aktar b’saħħitha ma’ pajjiżi terzi

4.5.1.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi terzi tul ir-rotta kollha tat-traffikar. Filwaqt li l-Kumitat jaqbel li wieħed għandu jiffoka fuq l-appoġġ lill-ġestjoni tal-fruntieri, huwa jemmen ukoll li huwa f’dan il-qasam li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-UE bejn in-netwerk eżistenti bejn l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, uffiċjali Ewropej tal-migrazzjoni u r-rappreżentanti diplomatiċi tal-Istati Membri għandhom ikunu prijorità ewlenija.

4.5.2.

L-għan ta’ din il-koordinazzjoni għandha tkun li l-istituzzjonijiet tal-UE – il-KE, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri – jimplimentaw proċessi li jkun intlaħaq ftehim dwarhom biex jagħmluha possibbli li l-persuni japplikaw għal viżi umanitarji u l-asil minn pajjiżhom, jew pajjiż ġar mingħajr periklu, u b’hekk tiġi pprovduta rotta alternattiva, umana u legali biex jivvjaġġaw lejn l-Ewropa. Jistgħu jinħolqu hotspots fil-pajjiżi ġirien bħat-Turkija, il-Libanu, il-Ġordan u l-Libja fejn il-persuni jistgħu jiġu vvalutati u dawk li jissodisfaw ir-rata ta’ rikonoxximent tal-asil tal-UE jkunu jistgħu jingħataw viża umanitarja kif inhu l-każ fil-Brażil. Huwa importanti wkoll li jitrawwem id-djalogu u jiġu involuti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma f’kuntatt dirett mar-refuġjati f’dawn l-azzjonijiet, sabiex tiġi żgurata kemm il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll effiċjenza akbar fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet.

4.5.3.

Dawn il-viżi umanitarji għandhom il-vantaġġ li jnaqqsu l-pressjoni fuq l-istati tal-UE li jinsabu fuq fruntiera, billi jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikunu ttrattati skont id-drittijiet fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u t-traffikar tal-migranti jiġi ttrasformat f’operazzjoni ta’ riskju għoli bi profitt baxx. Id-dritt ta’ permanenza jista’ jkun temporanju abbażi ta’ jekk ikunx sigur li wieħed jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew ikun marbut mas-suq tax-xogħol, fid-dawl tan-nuqqas ta’ ħiliet u l-isfidi demografiċi li qed ikollhom impatt fuq it-tkabbir fl-Ewropa.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2015) 285 final.

(2)  Is-Sinjura Martina Hanke, rappreżentant tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Droga u l-Kriminalità (UNODC). Diskors li sar matul is-seduta pubblika organizzata mill-KESE, dwar it-traffikar tal-migranti, Brussell, 12 ta’ Ottubru 2015.

(3)  http://ec.europa.eu/commission/2014-2019/president/announcements/call-collective-courage_en (mhux disponibbli bil-Malti)

(4)  Il-Kriżi tar-Refuġjati: Il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni deċiżiva – Strasburgu, 9 ta’ Settembru 2015.

(5)  COM(2015) 240 final.

(6)  COM(2015) 451 final.

(7)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.

(8)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

(9)  http://data.unhcr.org

(10)  Stqarrija għall-istampa “Il-Kriżi tar-Refuġjati: Il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni deċiżiva” (http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-5596_mt.htm).

(11)  http://www.unhcr.org/

(12)  Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar il-politiki Ewropej dwar l-immigrazzjoni, relatur ġenerali: is-Sur Iuliano (ĠU C 458, 19.12.2014, p. 7).

(13)  KESE, “Immigration: Integration and Fundamental Rights”, 2012 (http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/qe-30-12-822-en-c.pdf) (mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar “Ir-rwol tal-immigrazzjoni legali fil- kuntest tal-isfida demografika”, relatur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 48, 15.2.2011, p. 6).

(15)  Stqarrija, New York, 28 ta’ Awwissu 2015.

(16)  Data tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (disponibbli hawnhekk: http://missingmigrants.iom.int/incidents). “Migration Read All About It, Mediterranean Update: 101 900 migrant arrivals in Europe in 2015” (disponibbli hawnhekk: http://weblog.iom.int/mediterranean-flash-report-0) (iż-żewġ links ġew ikkonsultati fl-10 ta’ Ġunju 2015).

(17)  http://www.ohchr.org/Documents/ProfessionalInterest/crc.pdf.


24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/82


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi lista komuni tal-UE ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, u li jemenda d-Direttiva 2013/32/UE”

[COM(2015) 452 final]

(2016/C 071/13)

Relatur:

is-Sur José Antonio MORENO DIAZ

Nhar is-16 ta’ Settembru 2015 u nhar il-15 ta’ Ottubru 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43(2) U mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi lista komuni tal-UE ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, u li jemenda d-Direttiva 2013/32/UE

[COM(2015) 452 final].

Barra minn hekk, fil-21 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-istess kwistjoni.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tal-10 ta’ Diċembru 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’180 vot favur, 4 voti kontra u 6 astensjonijiet.

Konklużjonijiet

1.

Il-Kummissjoni tqis li huwa opportun – skont id-Direttiva 2013/32/UE (1) – li tiġi stabbilita lista komuni ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu.

1.1.

Il-proposta għal Regolament tipproponi wkoll, permezz ta’ Anness, lista inizjali ta’ pajjiżi terzi biex jiġu inklużi fil-lista komuni tal-UE ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu, li tikkonsisti fl-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kosovo, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija.

1.2.

Il-KESE jemmen li għandhom ikunu aktar tanġibbli, siguri u garantiti l-kriterji speċifiċi għad-definizzjoni ta’ pajjiż bla periklu għall-finijiet previsti fid-Direttiva 2011/95/UE u b’mod partikolari fl-Anness I tad-Direttiva 2013/32/UE

1.3.

Bl-istess mod, filwaqt li jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, il-KESE jemmen li f’dan il-mument jista’ jkun prematur li titħejja lista konkreta ta’ pajjiżi meqjusa bla periklu għall-finijiet maħsuba.

2.   Rakkomandazzjonijiet

2.1.

Il-KESE bi pjaċir jinnota l-proposta u jqis li huwa opportun li tiġi stabbilita lista komuni tal-UE ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu abbażi tal-kriterji komuni stipulati fid-Direttiva 2013/32/UE, li ser tiffaċilita l-użu mill-Istati Membri tal-proċeduri marbuta mal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini bla periklu u, b’hekk, tiżdied l-effiċjenza ġenerali tas-sistemi ta’ asil.

2.2.

Fi kwalunkwe każ, l-istabbiliment ta’ lista komuni tal-UE jipprova jindirizza uħud mid-diverġenzi attwali bejn il-listi nazzjonali ta’ pajjiżi ta’ oriġini “bla periklu” tal-Istati Membri.

2.3.

Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet legali li jippermettu l-indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu apparti minn dawk li jkunu jidhru fil-lista komuni tal-UE, il-lista komuni ser tiżgura li l-kunċett jiġi applikat mill-Istati Membri kollha b’mod uniformi fir-rigward tal-applikanti li l-pajjiżi tagħhom ta’ oriġini jkunu f’din il-lista.

2.4.

Fi kwalunkwe każ, għandhom jiġu indikati espliċitament fl-Artikolu 2 tar-Regolament il-kriterji u l-indikaturi speċifiċi, konkreti u preċiżi li għandhom jintużaw biex jiġi evalwat jekk pajjiż jiddaħħalx fil-lista ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu, fost l-oħrajn, informazzjoni aġġornata minn sorsi bħall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-UNHCR, l-EASO, il-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet oħra li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem.

2.5.

Id-deċiżjoni tal-inklużjoni ta’ pajjiż fil-lista komuni għandha tkun raġunata u ġustifikata billi titwettaq valutazzjoni tal-kriterji kollha stabbiliti fil-paragrafu preċedenti fir-rigward tar-raġunijiet kollha ta’ persekuzzjoni u ħsara serja li jwasslu għar-rikonoxximent tal-protezzjoni internazzjonali.

2.6.

Fir-rigward tal-emendi għal-lista, għandu jkun hemm mekkaniżmu għal bidla aktar flessibbli, li jkun jista’ jirreaġixxi fi żmien raġonevoli għat-tibdil fiċ-ċirkostanzi li jinbidlu fil-pajjiżi inklużi fil-lista.

2.7.

Il-KESE jifhem il-ħtieġa li tiġi spjegata u ġustifikata kwalunkwe emenda fil-lista, b’kont meħud tal-opinjoni esperta, tal-UNHCR, l-EASO, il-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem, biex tiġi modifikata l-lista.

2.8.

Barra minn hekk, il-KESE jemmen li għandu jinħoloq mekkaniżmu li bih l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, bħall-ombudsmen u l-kumitati ekonomiċi u soċjali, ikunu jistgħu jibdew il-proċedura biex tiġi emendata l-lista.

2.9.

Il-KESE jipproponi li tkun meħtieġa deċiżjoni ġustifikata dwar ir-rilevanza li jiġi applikat il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini bla periklu għall-każ speċifiku, wara valutazzjoni individwali kif previst fid-Direttiva 2013/32/UE

2.10.

Min-naħa l-oħra għandhom jissaħħu l-garanziji proċedurali għall-proċeduri mħaffa, fejn fi kwalunkwe każ għandu jiġi garantit eżami individwali ta’ kull każ u r-rilevanza li jiġi applikat il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini bla periklu.

2.11.

Il-KESE jqis li bl-ebda mod ma jista’ jiġi applikat il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini bla periklu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ rispett tal-libertà tal-istampa jew ksur tal-pluraliżmu politiku kif ukoll fil-pajjiżi fejn hemm persekuzzjoni bbażata fuq il-ġeneru u/jew l-orjentazzjoni sesswali, jew il-minoranzi nazzjonali, etniċi, kulturali jew reliġjużi.

2.12.

Barra minn hekk, il-KESE jqis li għandhom jittejbu l-mekkaniżmi ta’ identifikazzjoni ta’ applikanti f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà. F’każ fejn din l-identifikazzjoni ssir meta diġà tkun ġiet applikata l-proċedura mħaffa, għandha tiġi applikata minnufih il-proċedura ordinarja.

2.13.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi żgurat rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet negattivi għall-kunsiderazzjoni ta’ pajjiż ta’ oriġini bla periklu, b’effett sospensiv stabbilit fl-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32/UE.

3.   Sfond

3.1.

L-isforzi tal-Unjoni Ewropea – li s’issa ma tawx frott – biex jiġu eliminati d-diverġenzi fis-sistemi tal-asil tal-Istati Membri mhumiex ġodda. Mill-1999 ‘l hawn, l-Unjoni Ewropea adottat sensiela ta’ strumenti legali biex tiġi stabbilita Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA), bl-għan li tiġi armonizzata l-leġislazzjoni dwar il-proċeduri tal-asil, il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza, u aspetti oħra konnessi mas-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali.

3.2.

Kif iddikjara l-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Ottubru 2015 (EUCO 26/15): “L-indirizzar tal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati huwa obbligu komuni li jeħtieġ strateġija komprensiva u sforz determinat matul iż-żmien fi spirtu ta’ solidarjetà u responsabbiltà” b’konklużjoni finali li “L-orjentazzjonijiet imsemmijin hawn fuq jirrappreżentaw pass importanti ieħor lejn l-istrateġija komprensiva tagħna, b’mod konsistenti mad-dritt li jintalab l-asil, id-drittijiet fundamentali u l-obbligi internazzjonali. Madankollu, hemm azzjonijiet oħra importanti ta’ prijorità li jeħtieġu aktar diskussjonijiet fil-fora rilevanti, inklużi l-proposti tal-Kummissjoni. U hemm il-bżonn ta’ riflessjoni kontinwa dwar il-politika ġenerali tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil.”

3.3.

Id-Direttiva 2013/32/UE tippermetti proċeduri ta’ deroga u mħaffa applikati mill-Istati Membri, b’mod partikolari proċeduri mħaffa fil-fruntieri jew fiż-żoni ta’ tranżitu, fejn l-applikant ikun ċittadin ta’ pajjiż li jkun nominat bħala pajjiż bla periklu skont il-listi nazzjonali u li jista’ jitqies bħala bla periklu għall-applikant f’konformità maċ-ċirkustanzi partikolari tiegħu. Huma biss xi Stati Membri li adottaw listi nazzjonali ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu.

3.4.

Id-Direttiva riformulata dwar il-proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (2013/32/UE, tas-26 ta’ Ġunju 2013): din id-Direttiva hija intiża biex jitnaqqsu d-differenzi bejn il-proċeduri nazzjonali u jiġu żgurati deċiżjonijiet ta’ asil iktar rapidi u ekwitabbli fir-rigward tal-applikazzjonijiet ta’ asil ripetuti jew li ma jippreżentaw l-ebda element ġdid. Minkejja t-titjib fit-test il-ġdid, dan ikompli jħalli lill-Istati Membri marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni li tista’ xxekkel l-objettiv li tiġi stabbilita proċedura ġenwinament komuni.

4.   Analiżi:

4.1.

Il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini bla periklu għandu ħafna implikazzjonijiet prattiċi importanti, bħalma hija l-possibbiltà li għal dawn l-applikazzjonijiet tapplika l-proċedura mħaffa (Artikolu 31(8)(b) tad-Direttiva 2013/32/UE), it-tnaqqis konsegwenti tal-iskadenzi sabiex tittieħed deċiżjoni fuq il-bażi tal-applikazzjoni, id-diffikultajiet biex jiġu identifikati l-applikanti f’sitwazzjonijiet vulnerabbli f’dawn il-limiti ta’ żmien imnaqqsa (Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/32/UE), u, fl-aħħar mill-aħħar diffikultajiet akbar ta’ aċċess għall-protezzjoni internazzjonali taċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi, minħabba l-preżunzjoni li l-applikazzjoni ma jkollhiex bażi (Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2013/32/UE).

4.2.

Dan it-trattament differenti tal- applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali skont in-nazzjonalità jista’ ma jaqbilx mal-projbizzjoni ta’ trattament diskriminatorju tar-rifuġjati skont il-pajjiż tagħhom ta’ oriġini li jinsabu fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati. Minħabba dawn il-fatturi kollha huwa rakkomandabbli li dan il-kunċett ta’ pajjiż bla periklu jintuża b’mod limitat.

4.3.

Għandu jiġi enfasizzat li l-adozzjoni ta’ lista komuni ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu mhux neċessarjament tirriżulta f’armonizzazzjoni akbar, peress li din il-lista tkun tista’ teżisti flimkien mal-listi nazzjonali ta’ kull Stat Membru.

4.4.

Il-proposta għal Regolament tinkludi lista ta’ seba’ pajjiżi skont l-indikaturi li jintużaw mill-Kummissjoni: l-eżistenza ta’ qafas leġislattiv ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, ir-ratifika ta’ trattati internazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, l-għadd ta’ kundanni tal-pajjiż inkwistjoni mill-QEDB, l-istatus ta’ pajjiż kandidat għall-adeżjoni fl-UE, ir-rati ta’ rikonoxximent ta’ protezzjoni internazzjonali taċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi, l-inklużjoni tal-pajjiż inkwistjoni fil-listi nazzjonali ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu.

4.5.

Madankollu, dawn l-indikaturi jidhru li ma jivvalutawx b’mod adegwat il-kriterji stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva ta’ Proċedura, billi ma janalizzawx – pereżempju – l-applikazzjoni prattika tal-liġi u kemm fil-fatt jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem, jew in-nuqqas ta’ persekuzzjoni jew il-ħsara serja li jagħtu lok għar-rikonoxximent ta’ protezzjoni internazzjonali:

4.5.1.

Qafas leġislattiv nazzjonali u internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. M’hemmx dubju li l-valutazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-prattika, meħtieġa mill-Anness I tad-Direttiva 2013/32/UE, hija rekwiżit minimu applikabbli għal kwalunkwe pajjiż biex jiddaħħal fil-lista ta’ pajjiżi bla periklu, iżda dan mhuwiex biżżejjed. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni nnifisha ma tidhirx li qed tevalwa b’mod adegwat dan ir-rekwiżit minimu, li tinkludi fil-proposta tagħha, fost il-pajjiżi bla periklu pajjiżi li, f’xi każijiet, ma rratifikawx it-trattati internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem, bħall-Kosovo.

4.5.2.

L-għadd ta’ sentenzi ta’ kundanni matul l-2014 tal-QEDB kontra l-pajjiżi kkonċernati ma jirriflettix is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi proposti. Il-maġġoranza ta’ każijiet deċiżi fl-2014 jirreferu għal avvenimenti li seħħew bosta snin ilu, kemm minħabba dewmien tal-QEDB, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu eżawriti r-rikorsi nazzjonali qabel ma jsir rikors għall-QEDB.

L-analiżi tad-data mwettqa mill-Kummissjoni tista’ twassal għal konfużjoni. Il-Kummissjoni tabbina l-kundanni mal-għadd totali ta’ deċiżjonijiet tal-QEDB dwar il-pajjiż in kwistjoni, irrispettivament minn kemm minn dawn is-sentenzi ikunu daħlu fis-sustanza tal-każ, jiġifieri l-livell ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Pereżempju, fil-każ tat-Turkija, mill-2 899 każ quddiem il-QEDB ikkunsidrati mill-Kummissjoni, għalkemm m’hemm l-ebda indikazzjoni tat-tul ta’ żmien tal-każijiet jew kemm ħadu żmien biex jiġu deċiżi, fil-fatt ġew deċiżi biss 110 każijiet fuq il-mertu, b’dikjarazzjoni tal-ksur tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem f’94 każ, jiġifieri 93 % (2). Fil-każ tal-Bożnija-Ħerzegovina, fl-2014 kien hemm 7 deċiżjonijiet li ttieħdu dwar is-sustanza tal-każ, li minnhom 5 nstabu li kienu każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem (71 %) (3). Fil-każ tal-Montenegro ċ-ċifra hija ta’ 100 % (4); is-Serbja 88 % (5), l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja 66 % (6) u l-Albanija 66 % (7).

U lanqas m’hemm referenza għal liema drittijiet tal-bniedem inkisru u lanqas għall-kontenut ta’ dawn is-sentenzi, informazzjoni essenzjali meta tiġi evalwata l-eżistenza ta’ persekuzzjoni għar-raġunijiet li jwasslu għall-protezzjoni internazzjonali.

4.5.3.

L-istatus ta’ pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea ma jimplikax li l-pajjiż ikkonċernat ikun laħaq il-kriterji ta’ Kopenħagen, iżda li jkun beda l-proċess biex tiġi vvalidata l-konformità. Għall-kuntrarju, ir-Rapporti dwar il-Progress (8) dwar il-pajjiżi kandidati tal-UE, inklużi fil-lista tal-proposta għal Regolament propost jindikaw dgħufijiet f’oqsma bħalma huma r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-korruzzjoni, il-kontroll politiku tal-mezzi tax-xandir u l-indipendenza ġudizzjarja.

4.5.4.

Ir-rati ta’ rikonoxximent ta’ protezzjoni internazzjonali matul l-2014 fl-UE ta’ applikanti minn dawn il-pajjiżi: l-analiżi statistika tad-data mill-UE kollha fl-2014 imwettqa mill-Kummissjoni tista’ twassal għall-ambigwità. Analiżi diżaggregata tar-rati ta’ rikonoxximent fl-Istati Membri turi sitwazzjoni aktar eteroġenja. B’hekk, pereżempju, ir-rata ta’ rikonoxximent ta’ ċittadini mill-Kosovo matul it-tieni kwart tal-2015 laħqet it-18,9 % fl-UE kollha, imma b’diverġenzi kbar bejn pajjiżi bħall-Italja (60 %) u l-Ġermanja (0,4 %) (9).

4.5.5.

L-inklużjoni tal-pajjiżi fil-listi nazzjonali tal-pajjiżi ta’ oriġini bla periklu. Bl-istess mod, il-listi nazzjonali tal-pajjiżi ta’ oriġini bla periklu m’humiex omoġenji, billi kull Stat Membru japplika kriterji differenti, u għalhekk ma jistgħux jiġu trasferiti biex titfassal lista komuni.

4.6.

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-inklużjoni ta’ dawn is-seba’ pajjiżi fil-lista ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu għandha tagħmel referenza għal indikaturi oħra li huma utli u effettivi biex jitkejjel il-livell ta’ applikazzjoni tal-liġi, kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, bħalma huma s-sorsi ta’ informazzjoni li l-QEDB (10) qieset bħala rilevanti fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini u r-riskju fil-każ ta’ ritorn. Il-proposta għal Regolament innifisha fil-fatt tinkludi fl-Artikolu 2.2 dawn is-sorsi, b’mod partikolari “mis-SEAE […] mill-EASO, mill-UNHCR, mill-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti oħra” għar-reviżjoni tal-lista, iżda mhux it-tħejjija tagħha.

4.7.

Barra minn hekk nemmnu li għandhom jinħolqu indikaturi li jistgħu jirriflettu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għal kull raġuni li twassal għar-rikonoxximent tal-protezzjoni internazzjonali, bħalma huma r-rispett għal-libertà tal-espressjoni u tal-istampa, ir-rispett għall-pluraliżmu politiku, is-sitwazzjoni ta’ persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), u l-minoranzi etniċi, kulturali jew reliġjużi.

4.8.

L-Artikolu 2.2 tal-proposta għal Regolament jistabbilixxi r-reviżjoni perjodika tal-lista komuni ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu. Il-proċedura ta’ modifika msemmija fil-proposta għal Regolament hija l-proċedura leġislattiva ordinarja (Artikolu 2(3) tal-proposta għal Regolament) u proċedura ta’ sospensjoni għal perjodu ta’ sena, li tista’ tiġi estiża għal sena addizzjonali, f’każijiet ta’ bidliet f’daqqa fis-sitwazzjoni tal-pajjiż (Artikolu 3 tal-proposta għal Regolament).

4.9.

L-ebda waħda miż-żewġ proċeduri, kemm il-proċedura leġislattiva ordinarja ta’ kodeċiżjoni kif ukoll il-proċedura ta’ sospensjoni tal-Artikolu 3, ma tidher li toffri mekkaniżmu rapidu u flessibbli biex jiġu indirizzati l-bidliet fis-sitwazzjoni tal-pajjiżi ta’ oriġini inklużi fil-lista komuni. Sfortunatament, hemm diversi eżempji ta’ deterjorament rapidu fis-sitwazzjoni politika, fis-salvagwardji demokratiċi u fir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem f’bosta pajjiżi, li diffiċli jiġu indirizzati bil-mekkaniżmi stabbiliti. Barra minn hekk, dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jtulu għal perjodu ta’ żmien itwal, li jfisser li l-perjodu massimu ta’ sospensjoni ta’ sentejn huwa ferm limitat.

4.10.

Din l-evalwazzjoni tal-bidliet f’daqqa fis-sitwazzjoni ta’ pajjiż konċernat għandha dejjem tqis l-opinjoni esperta “mill-EASO, mill-UNHCR, mill-Kunsill tal-Ewropa u minn organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti oħra”, kif fil-fatt isir f’każ ta’ emenda fil-proċedura leġislattiva ordinarja.

4.11.

Min-naħa l-oħra, l-adozzjoni ta’ Regolament teskludi l-possibbiltà li l-applikanti għall-asil jistgħu jikkontestaw l-inklużjoni ta’ pajjiż bla periklu fil-lista quddiem l-awtoritajiet nazzjonali, possibbiltà li fil-fatt tgħodd ukoll fir-rigward tal-listi nazzjonali. Ikun għaqli li tiġi komunikata l-possibbiltà li bidla bħal din qed tiġi mħeġġa minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, jew l-applikanti għall-asil.

4.12.

L-Artikolu 31(8)(b) tad-Direttiva 2013/32/UE jawtorizza lill-Istati Membri biex jużaw proċeduri mħaffa għall-applikazzjonijiet minn pajjiżi ta’ oriġini bla periklu. Dan l-ipproċessar imħaffef fl-ebda każ ma jista’ jimmina l-garanziji proċedurali (11) minħabba l-veloċità tal-iskadenzi. U lanqas ma jista’ jwassal għal evalwazzjoni li ma tkunx individwali ta’ dawn l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, kif inhu pprojbit bl-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE.

4.13.

Fil-fatt, l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2013/32/UE jistabbilixxi li l-pajjiżi inklużi fil-listi ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu jistgħu jitqiesu biss bħala pajjiż bla periklu għal applikant partikolari, wara eżami individwali. F’dan l-eżami individwali jeħtieġ li tiġi evalwata r-rilevanza li jiġi applikat il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini bla periklu għall-każ speċifiku, permezz ta’ deċiżjoni ġustifikata, fejn l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-Istat Membru u li tkun soġġetta għal appell.

4.14.

Peress li l-adozzjoni ta’ Regolament tinvolvi restrizzjoni tal-possibbiltajiet tal-applikanti għall-asil li jikkontestaw l-inklużjoni ta’ pajjiż ta’ oriġini fil-lista ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu, jeħtieġ li jissaħħu l-garanziji ta’ aċċess għal rimedju effettiv f’kull każ partikolari, b’effett sospensiv, kif previst fl-Artikolu 46(5) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri.

4.15.

Bl-istess mod, għandha tiġi żgurata l-identifikazzjoni ta’ applikanti f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli fejn, skont l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2013/32/UE, ma tistax tiġi applikata l-proċedura mħaffa. F’dawn il-każijiet għandu jkun hemm obbligu li din l-identifikazzjoni ssir qabel id-deċiżjoni li tiġi applikata l-proċedura mħaffa, jew jekk l-identifikazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà ssir wara, ikun hemm il-possibbiltà li tiġi abbandunata l-proċedura mħaffa u jerġgħu lura għall-proċedura ordinarja.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1.

(2)  Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem: Profil tal-Pajjiż: it-Turkija, Lulju 2015

http://www.echr.coe.int/Documents/CP_Turkey_ENG.pdf

(3)  Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem: Profil tal-pajjiż: il-Bożnija-Herzegovina, Lulju 2015

http://www.echr.coe.int/Documents/CP_Bosnia_and_Herzegovina_ENG.pdf

(4)  Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem: Profil tal-Pajjiż: il-Montenegro, Lulju 2015

http://www.echr.coe.int/Documents/CP_Montenegro_ENG.pdf Każ wieħed ibbażat fuq il-mertu u li ġie ddikjarat bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem

(5)  Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem: Profil tal-Pajjiż, is-Serbja, Lulju 2015

http://www.echr.coe.int/Documents/CP_Montenegro_ENG.pdf Mit-18-il każ ibbażati fuq il-mertu, ġie ddikjarat bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'16-il każ

(6)  Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem: Profil tal-Pajjiż, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, Lulju 2015

http://www.echr.coe.int/Documents/CP_The_former_Yugoslav_Republic_of_Macedonia_ENG.pdf

(7)  Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem: Profil tal-Pajjiż, l-Albanija, Lulju 2015

http://www.echr.coe.int/Documents/CP_Albania_ENG.pdf Mill-150 każ li ġew deċiżi fl-2014, fil-fatt inħarġet deċiżjoni fuq il-mertu f’6 każijiet biss, b’dikjarazzjoni ta’ ksur tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’4 każijiet.

(8)  Aċċessibbli hawnhekk: http://ec.europa.eu/enlargement/countries/package/index_en.htm

(9)  Eurostat: First Instance decision on applications by citizenship, age and sex, Data ta’ kull tliet xhur http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/submitViewTableAction.do

(10)  Fost oħrajn, NA kontra r-Renju Unit APP. 25904/2007, tas-17 ta’ Lulju 2008; Gaforov kontra r-Russja, tal-21 ta’ Ottubru 2010.

(11)  TJU C-175/11 tal-31 ta’ Jannar 2013. Paragrafi 74-75.