ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 268

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 58
14 ta' Awwissu 2015


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

il-506 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-18 u d-19 ta' Marzu 2015

2015/C 268/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-sistema attwali maħsuba biex tiggarantixxi s-sigurtà alimentari u tal-provvista tal-ikel fl-UE u l-possibbiltajiet għat-titjib tagħha (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

1

2015/C 268/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Gżejjer intelliġenti (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

8

2015/C 268/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew dwar Il-kooperazzjoni Ewropea dwar in-netwerks tal-enerġija (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

14

2015/C 268/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol tal-iżvilupp sostenibbli u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qafas tal-ftehimiet awtonomi ta’ investiment min-naħa tal-UE ma’ pajjiżi terzi

19


 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

il-506 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-18 u d-19 ta' Marzu 2015

2015/C 268/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (COM(2014) 903 final) u Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013(COM(2015) 10 final – 2015/0009 (COD))

27

2015/C 268/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rieżami tal-governanza ekonomika – Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1173/2011, 1174/2011, 1175/2011, 1176/2011, 1177/2011, 472/2013 u 473/2013(COM(2014) 905 final)

33

2015/C 268/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew, fir-rigward ta’ żieda tal-ammont ta’ prefinanzjament inizjali mħallas għal programmi operazzjonali appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ(COM(2015) 46 final)

40

2015/C 268/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha (riformulazzjoni)(COM(2015) 48 final — 2015/0027 (COD))

45


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

il-506 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-18 u d-19 ta' Marzu 2015

14.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sistema attwali maħsuba biex tiggarantixxi s-sigurtà alimentari u tal-provvista tal-ikel fl-UE u l-possibbiltajiet għat-titjib tagħha”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 268/01)

Relatur:

is-Sur Igor ŠARMÍR

Nhar is-27 ta’ Frar 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(a) tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“Is-sistema attwali maħsuba biex tiggarantixxi s-sigurtà alimentari u tal-provvista tal-ikel fl-UE u l-possibbiltajiet għat-titjib tagħha”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Marzu 2015.

Matul il-506 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Marzu 2015 (seduta tat-18 ta’ Marzu 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’181 vot favur, 9 voti kontra u 17-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) japprezza l-fatt li s-sigurtà alimentari hija waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u li twaqqfet sistema robusta maħsuba biex tiggarantixxiha. Huwa jinsab partikolarment sodisfatt li, sa mill-2002, is-sigurtà alimentari fl-UE bdiet tagħmel parti mill-kompetenza ta’ aġenzija speċjalizzata, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), li għandha l-mezzi neċessarji kollha biex tiġi vvalutata s-sigurtà tal-prodotti li jitqiegħdu fis-suq Ewropew.

1.2.

Il-KESE jqis li matul l-eżistenza tagħha, l-EFSA wriet li hija kompetenti. Din bla dubju taqdi rwol importanti ħafna fil-prevenzjoni tar-riskji tas-saħħa fl-Ewropa. Permezz tagħha, l-UE għandha waħda mill-aktar sistemi avvanzati ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika fid-dinja. Madankollu, il-fatt li s-saħħa pubblika hija suġġett sensittiv ħafna u li l-fiduċja tal-konsumatur huwa kwistjoni ta’ tħassib kbir għall-EFSA, huwa meħtieġ li nkomplu neżaminaw titjib possibbli għas-sistema attwali, b’mod partikolari rigward kwistjonijiet ġodda li tqajjem ix-xjenza. Fl-interess ta’ dan, il-KESE jixtieq jagħmel għadd ta’ proposti.

1.3.

It-trasparenza tal-proċess tal-evalwazzjoni tal-prodotti ġodda, inklużi l-prodotti kimiċi u oħrajn, maħsuba biex jidħlu fil-katina alimentari hija ċertament kundizzjoni importanti għall-fiduċja tal-konsumatur lejn is-sistema u l-prodotti vvalutati. Il-KESE jqis li xi titjib huwa possibbli f’dan il-qasam. Pereżempju, l-istudji regolatorji sottomessi mill-fabbrikanti biex jagħtu prova tas-sigurtà tal-prodott ikkonċernat ma jiġux ippubblikati fil-ġurnali xjentifiċi u mhux biss id-data mhux proċessata minn dawn l-istudji ma jsirux disponibbli għall-komunità xjentifika b’mod sistematiku, iżda f’diversi każijiet jiġi invokat direttament is-sigriet kummerċjali. Il-KESE huwa konvint li dan mhuwiex legalment xieraq peress li skont l-EFSA, data minn studji regolatorji mhijiex ta’ natura kunfidenzjali.

1.4.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex twettaq emendi adegwati għal-leġislazzjoni kkonċernata b’tali mod li din tal-aħħar timponi li b’mod sistematiku, u wara li titwettaq l-evalwazzjoni mill-EFSA, l-istudji regolatorji rilevanti u d-data mhux ipproċessata ta’ dawn l-istudji jitpoġġew fuq is-sit elettroniku tal-EFSA.

1.5.

Il-KESE jifraħ lil din l-Aġenzija għall-inizjattivi reċenti maħsuba biex jippubblikaw informazzjoni b’mod proattiv.

1.6.

Fil-passat, l-Aġenzija kienet f’sitwazzjoni diffiċli minħabba kunflitti ta’ interess ta’ xi wħud mill-esperti tagħha. Il-KESE jifraħ lill-EFSA għall-isforz li għamlet fl-2012 biex iġġib għan-normal is-sitwazzjoni, iżda jirrakkomanda li din tibqa’ viġilanti minħabba s-sensittività estrema ta’ dan l-aspett speċifiku tal-evalwazzjoni uffiċjali.

1.7.

Il-ħidma tal-EFSA hija kkumplikata bl-eżistenza ta’ studji xjentifiċi li r-riżultati tagħhom huma b’mod ċar influwenzati mis-sors ta’ finanzjament tagħhom u għalhekk jistgħu jkunu miftuħa għal kontroversja konsiderevoli. Il-KESE jirrakkomanda li l-EFSA tagħti attenzjoni speċjali lil dan il-fenomenu, peress li l-letteratura xjentifika hija punt ta’ referenza importanti tal-proċedura ta’ evalwazzjoni.

1.8.

Il-KESE jifraħ lill-EFSA għall-isforzi kbar li wettqet f’dawn l-aħħar snin għal fehim aħjar tal-effett tat-taħlitiet u l-iżvilupp ta’ metodoloġiji ġodda għall-użu matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni, u jħeġġeġ lill-EFSA biex timplimentahom kemm jista’ jkun malajr.

1.9.

Il-KESE jirrakkomanda kawtela fir-rigward tal-prinċipju fejn “id-doża hi li tagħmel il-velenu” għaliex numru konsiderevoli ta’ endokrinologi ilhom 20 sena jipprovdu evidenza li, għal sustanzi magħrufa bħala “interferenti endokrinali”, il-fattur deċiżiv mhuwiex id-doża, iżda l-mument tal-espożizzjoni. Dan l-għarfien ġdid għadu mhux qed jiġi kkunsidrat mill-qafas regolatorju, kif diġà ġie enfasizzat f’rapport reċenti tal-Parlament Ewropew (1).

1.10.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, wara li ssir konsultazzjoni tal-komunità tal-endokrinologi, tidentifika lista ta’ prodotti li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-iżvilupp tas-sistema endokrinali. Il-KESE jitlob lill-Kumissjoni Ewropea tapplika l-prinċipju tal-prekawzjoni għas-sustanzi li jkunu f’din il-lista sakemm ikun intlaħaq kunsens fi ħdan il-komunità xjentifika dwar il-periklu ormonali tagħhom jew inkella dwar is-sigurtà tagħhom.

1.11.

L-importazzjoni ta’ pestijiet u mard minn pajjiżi terzi jista’ jkollha konsegwenzi gravi għall-produtturi u l-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea. It-tisħiħ tal-kontrolli mal-fruntieri, l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-reċiproċità u r-rieda politika tal-awtoritajiet Ewropej huma essenzjali biex tiġi garantita l-koerenza tas-sistema.

1.12.

L-UE għandha tiżgura li s-sistema kummerċjali ma theddidx il-garanziji fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel taċ-ċittadini Ewropej. Ir-reviżjoni tal-leġislazzjoni fil-qasam tas-saħħa tal-pjanti u tal-annimali tirrappreżenta opportunità biex tittejjeb l-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll, jiġu applikat b’mod uniformi u jiġi evitat impatt negattiv soċjali, ambjentali u ekonomiku.

1.13.

Il-KESE jitlob li tiġi żgurata t-traċċabbiltà sħiħa tal-ikel “mir-razzett sal-mejda” (inklużi tal-prodotti tal-ikel impurtati), sabiex dan jippermetti lill-konsumaturi jagħżlu ikel ta’ ċerta kwalità u konformi mal-istandards ta’ sikurezza fis-seħħ fl-UE.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Din l-opinjoni tittratta żewġ suġġetti ftit differenti, li madankollu għandhom denominatur komuni: is-serħan il-moħħ tas-soċjetà Ewropea dwar id-disponibbiltà ta’ ikel sikur. Minn naħa, l-ewwel parti tal-opinjoni hija dwar is-sistema attwali ta’ evalwazzjoni tal-prodotti l-ġodda maħsuba biex jidħlu fil-katina tal-ikel, filwaqt li min-naħa l-oħra, it-tieni parti għandha l-għan li tenfasizza ċerti kwistjonijiet problematiċi li jippreżenta l-kummerċ internazzjonali relatat mal-prodotti agroalimentari kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-konsumaturi u ċ-ċittadini inġenerali.

2.2.

Is-sigurtà tal-ikel hija prijorità uffiċjali tal-UE u, mil-lat istituzzjonali, hija ċertament assigurata sew mill-Kummissjoni Ewropea u l-EFSA. Ma jistax jinċaħad li l-ġestjoni tar-riskji mikrobijoloġiċi tista’ titqies li hija taħt kontroll. Madanakollu, matul is-seklu għoxrin, mar-riskji mikrobijoloġiċi żdiedu r-riskji kimiċi, u f’dan il-qasam is-sitwazzjoni hija inqas ċara.

2.3.

Matul l-aħħar sittin sena, aktar minn 1 00  000 molekola ġdida, magħmulin permezz tal-kimika ta’ sinteżi, ġew rilaxxati fl-ambjent. Madankollu, proporzjon żgħir biss (1-2 %) ta’ dawn il-prodotti ġie evalwat f’termini ta’ riskji possibbli għas-saħħa tal-bniedem (2) li huwa ta’ tħassib, fost affarijiet oħra, f’termini ta’ sikurezza tal-ikel. Filfatt, minbarra s-sustanzi li jidħlu direttament fil-katina tal-ikel (l-addittivi tal-ikel, ir-residwi tal-pestiċidi jew tal-plastik) li fil-prinċipju huma s-suġġett tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, sustanzi oħra jistgħu jidħlu b’mod indirett mill-ħamrija, l-arja u l-ilma.

2.4.

Wara użu u konsum ftit jew wisq estiżi, għadd ta’ prodotti kimiċi sintetiċi diġà ġew irtirati mis-suq minħabba li t-tossiċità u/jew il-proprjetajiet karċinoġeniċi tagħhom ġew ippruvati xjentifikament (ara pereżempju l-paragrafu 2.5). Madankollu, prodotti oħra għadhom ma ġewx ipprojbiti minkejja l-eżistenza ta’ suspetti xjentifiċi sostanzjati mhux ħażin. Għalhekk huwa perfettament leġittimu li wieħed jistaqsi biex ikun jaf x’rabta hemm bejn l-espożizzjoni tal-popolazzjoni umana għal dawn il-prodotti kimiċi sintetiċi ġodda minn naħa, u ż-żieda esponenzjali fil-pajjiżi żviluppati ta’ każijiet ta’ kanċer, u mard newrodeġenerattiv, kif ukoll sterilità, dijabete jew obeżità min-naħa l-oħra.

2.5.

L-UE waqqfet sistema robusta għall-prevenzjoni tar-riskji marbutin mad-dħul ta’ prodotti ġodda, kimiċi u oħrajn, fil-katina tal-ikel. Mil-lat istituzzjonali, il-Kummissjoni Ewropea (DĠ SANCO) hija responsabbli mill-ġestjoni tar-riskji, filwaqt li l-EFSA, l-aġenzija Ewropea li għandha l-kompetenza mil-lat tekniku, hija responsabbli mill-evalwazzjoni tar-riskji. L-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida diġà tat ċerti riżultati rassiguranti għall-konsumaturi: pereżempju, wara evalwazzjonijiet bir-reqqa, l-għadd ta’ pestiċidi awtorizzati fl-UE tnaqqas b’mod drammatiku bejn l-2000 u l-2008 (minn 1  000 għal 250). Min-naħa l-oħra, dan l-iżvilupp huwa ta’ tħassib għall-bdiewa li qed jibdew iħossu l-effetti tan-nuqqas tas-sustanzi attivi li jippermettulhom iwettqu kontrolli kontra l-pestijiet. Paradossalment, ħafna minn dawn is-sustanzi attivi pprojbiti fl-UE huma awtorizzati f’pajjiżi terzi li jesportaw il-prodotti tagħhom fis-suq Ewropew.

2.6.

Minkejja l-eżistenza ta’ sistema robusta, l-esperjenza tal-funzjonament tagħha wriet li xi aspetti ta’ għarfien espert jistgħu jittejbu aktar, speċjalment minħabba l-iskoperti xjentifiċi ġodda, u l-applikazzjonijiet kummerċjali tagħhom li ħafna drabi jippreżentaw sfidi ġodda għall-proċedura ta’ evalwazzjoni. Dawn l-isfidi huma ta’ natura sistemika u metodoloġika.

3.   Possibbiltajiet biex tittejjeb is-sistema ta’ evalwazzjoni ta’ prodotti ġodda li jagħmlu parti minn prodotti tal-ikel

3.1.

L-evalwazzjoni li ssir mill-EFSA hija msejsa fuq studju xjentifiku li għandu jagħti prova li prodott partikolari ma jagħmilx ħsara. Skont il-leġislazzjoni attwali, dan l-istudju ta’ referenza jrid ikun ippreżentat mill-parti li tkun qed tagħmel it-talba, jiġifieri mill-kumpanija li beħsiebha tintroduċi l-prodott fis-suq. Il-proċess, fih innifsu, ftit li xejn joffri mil-lat ta’ assigurazzjoni peress li r-riżultati tal-istudji xjentifiċi jistgħu jkunu radikalment differenti skont is-sors ta’ finanzjament tagħhom (ara l-punt 3.4). Madanakollu, huwa minnu li r-regoli tal-UE applikati mill-EFSA jipprevedu l-kundizzjonijiet li jridu jiġu osservati meta jitwettqu dawn l-istudji u, għall-istadji sussegwenti tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, jipprevedu mekkaniżmi biex tiġi meqjusa t-tendenza deskritta fis-sentenza preċedenti.

3.2.

Aspett ieħor problematiku tal-proċedura ta’ evalwazzjoni huwa l-kunfidenzjalità ta’ dawn l-istudji regolatorji, li tidher li hija kontroversjali: dawn l-istudji mhumiex ippubblikati fil-ġurnali xjentifiċi, u d-data mhux proċessata ta’ spiss tiġi koperta mis-“sigriet kummerċjali”. Dan jimpedixxi li l-komunità xjentifika twettaq kontro-evalwazzjoni (3). Nifhmu li s-sigrieti kummerċjali jridu jintużaw biex jiġu protetti d-data u l-informazzjoni relatata ma’ prodotti ġodda li jistgħu jiżvelaw jew il-kompożizzjoni tal-prodotti jew il-mod kif dawn ġew manifatturati. Madankollu, dan mhuwiex il-każ tad-data minn studji regolatorji, li sempliċiment jirrappurtaw kif fniek tal-Indi jirreaġixxu meta jikkunsmaw il-prodotti li qed jiġu ttestjati. Peress li f’dan il-każ, l-applikazzjoni tas-sigriet kummerċjali mhijiex ġustifikata mill-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-produtturi (4), il-KESE jikkunsidra li din hija abbużiva u jitlob li l-leġislazzjoni tiġi adattata biex id-data mhux ipproċessata minn studji regolatorji tkun disponibbli b’mod sistematiku għall-komunità xjentifika (fuq is-sit elettroniku tal-aġenzija), ladarba titwettaq l-evalwazzjoni mill-EFSA.

3.3.

L-EFSA hija aġenzija pubblika li twaqqfet sabiex twettaq studji minn esperti xjentifiċi indipendenti dwar il-prodotti ġodda li jidħlu fil-kompożizzjoni tal-prodotti tal-ikel. Madanakollu, fil-passat l-EFSA kienet ġiet ikkritikata minħabba kunflitti ta’ interess ta’ xi wħud mill-esperti tagħha. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dawn kienu wkoll konsulenti tal-ILSI (5). Il-KESE jilqa’ l-fatt li fl-2012 l-EFSA għamlet sforz kbir biex tindirizza l-problema, b’mod li s-sitwazzjoni mbagħad marret għan-normali. Minħabba s-sensittività tagħha, il-KESE jirrakkomanda li din il-kwistjoni tinżamm taħt kontroll.

3.4.

Waqt li jkunu qed iwettqu ħidma ta’ evalwazzjoni, l-aġenziji kompetenti jagħmlu referenza wkoll għall-istudji marbutin mal-qasam ikkonċernat li jkunu ġew ippubblikati fil-letteratura xjentifika. Madanakollu, intwera li r-riżultati tal-istudji xjentifiċi jistgħu jkunu radikalment differenti skont is-sors ta’ finanzjament tagħhom (6). L-indipendenza tar-riċerkaturi hija kruċjali biex tiġi żgurata l-vijabbiltà tas-sistema, u l-kompitu tal-EFSA huwa kkumplikat minħabba l-bżonn li ssir distinzjoni bejn l-istudji xjentifiċi ta’ livell għoli u dawk li l-valur tagħhom huwa dubjuż minħabba nuqqasijiet metodoloġiċi jew oħrajn.

4.   Possibbiltajiet ta’ titjib tal-metodoloġija tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-prodotti potenzjalment perikolużi

4.1.

Il-metodoloġija tal-evalwazzjoni tal-prodotti kimiċi li jistgħu jiġu inkorporati fil-prodotti tal-ikel hija bbażata fuq il-prinċipju msejjaħ Paracelse. Skont dan il-prinċipju, “kollox hu velenu u xejn mhu velenu; id-doża biss tagħmel il-velenu”. Għalhekk, għal kull prodott, kull m’hemm bżonn huwa li tiġi stabbilita “doża aċċettabbli ta’ kuljum” jew ADI. Fi kliem ieħor, il-biċċa l-kbira tal-prodotti ġodda jistgħu jiġu kkonsmati kuljum, bil-kundizzjoni li ma tinqabiżx il-kwantità stabbilita.

4.2.

Għal sekli sħaħ, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ Paracelse setgħet titqies bħala affidabbli. Iżda s-sustanzi sintetiċi ġodda, li ilhom għexieren ta’ snin fil-prodotti tal-ikel, huma sfida ġdida u dan il-prinċipju ma jistax ikompli jiġi applikat bl-għama.

4.3.

L-ewwel problema hija l-ġestjoni tal-ikel ikkonsmat mill-persuni meqjusa b’mod individwali. Fil-fatt, il-konsumaturi jinjoraw kompletament li teżisti ADI u għalhekk m’għandhomx il-possibbiltà, lanqas biss fit-teorja, li jivverifikaw li dawn mhux qed jaqbżu l-kwantità “awtorizzata” ta’ sustanza partikolari li tista’ tinsab f’diversi prodotti tal-ikel li jikkonsmaw ta’ kuljum (7). Fil-verità, dan il-kunċett huwa xjentifiku u tekniku ħafna u jiġi applikat biss minn ċirku żgħir ta’ speċjalisti.

4.4.

Iżda l-organiżmu tal-bniedem mhuwiex espost għal sustanza kimika waħda biss, iżda għal għadd kbir ta’ residwi ta’ pestiċidi, materja plastika u addittivi tal-ikel li jinsabu f’dak li nieklu. Barra minn hekk, id-doża ta’ kuljum tiġi kkalkulata biss għal kull sustanza kimika individwali, mingħajr ma titqies il-possibbiltà ta’ effett kumulattiv jew inkella sinerġiku. Sfortunatament, żgur li ma jistax jingħad li dan l-effett huwa purament ipotetiku, għax diversi studji diġà wrew li l-azzjoni akkumulata ta’ diversi sustanzi, li t-testijiet individwali għalihom ma jkunu wrew l-ebda problema, jista’ jkollha konsegwenzi gravi (8).

4.5.

L-aġenziji responsabbli għall-evalwazzjoni ta’ prodotti potenzjalment perikolużi, bħall-EFSA jew l-FDA fl-Istati Uniti ilhom bosta snin jistudjaw l-effett kumulattiv u l-effett sinerġiku, iżda r-riżultati tal-isforzi tagħhom għadhom ma ġewx tradotti f’regolamentazzjoni (9), u dan huwa marbut mad-diffikultajiet xjentifiċi u l-kumplessità ta’ dan il-kompitu. Madankollu, l-EFSA tiddikjara li ma tinsabx ‘il bogħod mill-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet regolatorja tal-għarfien xjentifiku miksub f’dan il-qasam, u l-KESE jħeġġiġha tagħmel dan mill-aktar fis possibbli.

4.6.

Fl-aħħar, qed jitqajmu dubji dwar il-prinċipju ta’ Paracelse minħabba l-fenomenu tas-sustanzi hekk imsejħa “interferenti endokrinali”. Dawn huma sustanzi li għandhom tendenza jimitaw il-mod kif jaħdmu l-ormoni, l-aktar l-ormon tan-nisa, l-estroġenu. Skont numru konsiderevoli ta’ endokrinologi, dawn is-sustanzi sikwit ikollhom effett ħażin anke meta l-organiżmu jkun espost għal kwantitajiet ferm inqas mill-ADI, u lanqas huwa possibbli li jitqiegħed limitu sa fejn dawn ma jkunux ta’ ħsara (10). Intwera li, fil-każ tal-interferenti endokrinali, il-varjant kruċjali mhuwiex id-doża iżda l-mument tal-espożizzjoni. Għall-argument, il-perjodu l-aktar perikoluż huwa dak meta s-sistema endokrinali tkun qed tiżviluppa (il-ħajja qabel it-twelid, it-tfulija u l-pubertà). Karatteristika oħra tal-interferenti endokrinali hija l-fatt li t-tossiċità tagħhom tista’ tidher diversi snin jekk mhux għexieren ta’ snin wara l-esponiment.

4.7.

Għadd kbir ta’ sustanzi, naturali jew sintetiċi llum il-ġurnata huma meqjusin mill-endokrinologi bħala “interferenti endokrinali” u fosthom hemm bosta li nsibuhom regolarment fl-ikel għall-bniedem. Fosthom insibu diversi pestiċidi, diossini, poliklorobifenili jew ftalati, iżda l-aktar diskussjoni mqanqla tikkonċerna l-materjal tal-imballaġġ imsejjaħ bisfenol A (11).

4.8.

Hemm evidenza li l-interferenti endokrinali jikkontribwixxu b’mod deċiżiv għal tnaqqis inkwetanti fil-fertilità tal-irġiel (fenomenu li ilu jiġi osservat sa mit-Tieni Gwerra Dinjija) u għal żieda mdaqqsa fil-każijiet tal-kanċer tat-testikoli u tal-prostata fl-irġiel u tal-kanċer fis-sider fin-nisa, kif ukoll mard gravi ieħor (12).

4.9.

Il-korpi kompetenti Ewropej, jiġifieri l-EFSA u d-DĠ SANCO, joqogħdu lura milli jieħdu miżuri rrakkomandati bil-qawwa mill-endokrinologi, peress li l-opinjoni tal-komunità xjentifika tinsab maqsuma fir-rigward tal-ħsara tad-dożi żgħar ħafna (13). Madankollu, il-parti l-kbira tax-xjenzjati li jagħmlu r-riċerka oriġinali fl-endokrinoloġija jikkunsidraw bħala perikoluża ħafna l-azzjoni ta’ dożi żgħar ħafna ta’ sustanzi rikonoxxuti minnhom bħala interferenti endokrinali, l-aktar għan-nisa tqal u t-tfal żgħar. Għalihom, dan huwa fatt stabbilit ippruvat minn “eluf ta’ studji xjentifiċi” (14), filwaqt li għall-EFSA, l-azzjoni ta’ dożi żgħar ħafna hija sempliċiment ipoteżi.

4.10.

Minħabba li jeżisti rapport dettaljat (15) ikkummissjonat mid-DĠ ENV, li kkonferma l-fehma tal-endokrinologi, f’Ottubru 2012 id-DĠ SANCO stieden lill-EFSA biex tibbaża fuq il-kriterji għad-definizzjoni tal-interferenti endokrinali u għall-valutazzjoni tal-pertinenza tal-metodi ta’ ttestjar eżistenti fil-qasam. Madankollu, dawn għadhom ma twettqux u l-Kummissjoni Ewropea għalissa mhux qed tipproponi pjan direzzjonali li jistabbilixxi l-bażi għal definizzjoni tal-interferenti endokrinali (16). Għaldaqstant, il-kompitu stess ġie pospost sa tmiem l-2016.

4.11.

Il-komunità endokrinali wriet diversi drabi n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-pożizzjoni tal-EFSA u tal-aġenziji regolatorji jew konsultattivi oħra fil-qasam tal-interferenti endokrinali. Dan jirreferi għall-istqarrija ta’ kunsens ippubblikata mis-Soċjetà Amerikana tal-endokrinoloġija li tinkludi iżjed minn 1  000 professjonist (17), waqt is-seminar internazzjonali li sar f’Berlin f’Settembru 2012 u d-Dikjarazzjoni ta’ Berlaymont f’Mejju 2013 (18). Il-firmatarji kollha ta’ din tal-aħħar kienu speċjalisti li jippubblikaw b’mod attiv xogħlijiet dwar dan is-suġġet, u jikkunsidraw bħala urġenti li r-regolamentazzjoni Ewropea tibda tqis l-għarfien akkumulat matul is-snin. Pereżempju, l-aħħar regolament dwar il-pestiċidi ta’ Marzu 2013 jirrikjedi li jitwettqu testijiet sabiex jiddeterminaw jekk il-prodott ġdid huwiex, fost oħrajn, mutaġeniku, iżda mhux li tiġi evalwata l-attività ormonali tiegħu. Dan juri li t-tħassib tal-endokrinologi għadu ‘l bogħod milli jittieħed bis-serjetà mill-awtoritajiet kompetenti.

4.12.

Il-KESE jemmen li huwa urġenti li jibda jitqies, fil-qafas tar-regolamentazzjoni, l-għarfien akkumulat fil-qasam tal-endokrinoloġija, u b’hekk jingħaqad mal-pożizzjoni espressa mill-Parlament Ewropew (19). Għalkemm l-opinjoni tal-komunità xjentifika, fis-sens wiesa’ tat-terminu, hija kondiviża, l-opinjoni tal-parti l-kbira tal-komunità ta’ endokrinologi għandha tkun biżżejjed biex għallinqas jiġi applikat il-prinċipju tal-prekawzjoni għas-sustanzi magħrufa mill-endokrinologi bħala interferenti endokrinali.

5.   Kummerċ internazzjonali: pestijiet u mard agrikolu

5.1.

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) titlob li l-membri tagħha jidħlu f’negozjati biex ikomplu u jiffaċilitaw l-iskambji tal-prodotti agrikoli, biex jitnaqqsu b’mod sostanzjali u progressiv l-għajnuniet interni u l-protezzjoni tal-prodotti tagħhom, favur liberalizzazzjoni dejjem ikbar.

5.2.

F’suq dinji li qiegħed jiġi liberalizzat dejjem aktar, fejn qed tiżdied iċ-ċirkolazzjoni kummerċjali tal-prodotti veġetali kif ukoll il-ftehimiet kummerċjali li l-UE qed tiffirma kostantement ma’ pajjiżi terzi, ir-riskju li jiġu introdotti pestijiet u mard ġodda qed jiżdied kontinwament.

5.3.

Il-produtturi Ewropej jinsabu mħassbin u mbeżżgħin ħafna li jistgħu jaslu aġenti li jagħmlu l-ħsara, li ħafna minnhom huma perikolużi ferm u s’issa għadhom ma kinux stabbiliti fl-Ewropa. F’ċerti każijiet, id-dħul u l-firxa tagħhom jistgħu jipprovokaw tnaqqis enormi f’diversi produzzjonijiet Ewropej, partikolarment fi ħsad inqas mifrux, biex b’hekk jikkawżaw telf kbir għall-produtturi tagħhom.

5.4.

Minbarra t-theddida fuq l-attività agrikola għal ċerti prodotti agrikoli, id-dħul ta’ pestijiet jew mard ta’ oriġini barranija jwassal għal żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-bdiewa Ewropej, u għalhekk għat-tnaqqis fil-qligħ tal-irziezet tagħhom. Barra minn hekk, dawn il-problemi jistgħu jħallu impatt wiesa’ – ekonomiku, ambjentali u soċjali – fuq it-territorju Ewropew kollu.

5.5.

Bħala eżempju prattiku li juri b’mod ċar, elokwenti u li ma jħalli l-ebda dubju dwar il-gravità ta’ din il-problema, jista’ jissemmal-każ riċenti tal-importazzjoni ta’ frott taċ-ċitru mill-Afrika t’Isfel. Matul l-aħħar staġun, fil-portijiet Ewropej inħatt għadd kbir ta’ tagħbijiet ta’ dan il-frott taċ-ċitru mill-Afrika t’Isfel kontaminati minn fungu perikoluż, il-Guignardia Citricarpa, li jwassal għall-marda tat-tbajja’ suwed. F’dan il-każ, l-aġent patoġen instab 35 darba fil-frott taċ-ċitru importat mill-Afrika t’Isfel.

5.6.

Dan juri li n-nuqqas ta’ dixxiplina fl-UE qed iqiegħed fil-periklu 5 00  000 ettaru mill-art tagħha għall-frott taċ-ċitru, peress li m’hemm l-ebda trattament effikaċi biex tinqered din il-marda. Jekk tidħol, din il-marda tikkawża effetti dannużi immens mil-lat ekonomiku, ambjentali u soċjali, u tikkomprometti s-sigurtà tal-provvista.

5.7.

L-abbozz tar-regolament dwar is-saħħa tal-pjanti huwa avvanz fuq id-direttiva 2000/29/KE tal-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2000 dwar ċerti aspetti relatati mal-miżuri għall-protezzjoni kontra l-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ organiżmi dannużi għall-prodotti veġetali u kontra t-tixrid tagħhom fl-UE (20), iżda xorta waħda ma jindirizzax ċerti aspetti ta’ importanza kruċjali, biex b’hekk għadd kbir ta’ problemi kbar għadhom mhux solvuti.

5.8.

Irid jiġi enfasizzat ukoll li l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni ta’ prodotti importati minn pajjiżi terzi mhumiex l-istess bħal dawk li huma fis-seħħ fl-UE. Dawn il-pajjiżi terzi jippermettu l-użu ta’ ħafna prodotti tas-saħħa tal-pjanti li l-Ewropej ma jawtorizzawx, il-limiti massimi ta’ residwi (MRLs – maximum residue limits) huma ogħla minn dawk permessi fit-territorju Ewropew u l-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol tagħhom huma differenti minn dawk tal-Ewropa (livell inqas ta’ protezzjoni, fejn din teżisti).

5.9.

Mil-lat tal-konsumaturi Ewropej, jaqbel li nisħqu fuq id-differenza kbira li teżisti fis-sigurtà u t-traċċabbiltà bejn il-produzzjonijiet barranin u dawk tal-UE.

5.10.

Il-leġislazzjoni attwali tillimita u trażżan l-użu ta’ għadd li qed jikber ta’ sustanzi attivi użati għat-trattament ta’ ċerti pestijiet jew mard. Dawn ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-bdiewa Ewropej jistgħu jolqtu lil 50 % tal-prodotti li kienu disponibbli f’dawn l-aħħar snin. Barra minn hekk, il-persuni li japplikaw dawn it-trattamenti għandhom iwieġbu għal ċerti rekwiżiti addizzjonali, fejn jeħtieġu aktar taħriġ u użu ta’ mezzi ta’ protezzjoni waqt li jkunu qed japplikaw dan it-trattament.

5.11.

Il-prinċipju tar-reċiproċità għandu jiggarantixxi li l-produzzjonijiet kollha li jaslu f’suq partikolari jkunu ġew bilfors prodotti f’konformità mal-istess obbligi u standards fis-seħħ fl-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà tas-saħħa, il-kundizzjonalità ekoloġika, l-użu ta’ sustanzi attivi, eċċ.

Brussell, it-18 ta’ Marzu 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika mill-interferenti endokrinali (2012/2066(INI)).

(2)  Din l-istima saret b’mod indipendenti minn Vincent Cogliano tal-IARC (Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer) u Andreas Kortenkamp, li jmexxi ċ-Ċentru tat-Tossikoloġija tal-Università ta’ Londra.

(3)  Pereżempju, id-data mhux proċessata tal-istudju regolatorju dwar il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 863 ma kinitx disponibbli għall-komunità xjentifika skont id-deċiżjoni minn qorti Ġermaniża fl-2005, u f’Jannar 2013, il-kumpanija Monsanto heddet lill-EFSA li tieħu passi legali talli żvelat “sigriet kummerċjali” minħabba li d-Direttriċi tal-EFSA żvelat fuq l-Internet, taħt pressjoni mill-midja u l-komunità xjentifika, data relatati mal-qamħirrum GM NK 603.

(4)  Skont l-EFSA innifisha, id-data tal-istudju regolatorju (ta’ referenza) mhijiex ta’ natura kunfidenzjali.

(5)  ILSI (International Life Science Institute) – organizzazzjoni ta’ lobbying tal-kumpaniji multinazzjonali fil-qasam tal-agrokimika, l-industrija agroalimentari u l-bijoteknoloġija, bħall-Coca-cola jew Monsanto. Fir-rebbiegħa tal-2012, wara rapport tal-Qorti tal-Awdituri (Rapport speċjali Nru 15/2012) li ħareġ fid-dieher in-nuqqas ta’ ċarezza fil-ġestjoni ta’ kunflitt ta’ interess fi ħdan l-EFSA, il-Parlament Ewropew ippospona fit-tieni qari d-deċiżjoni tiegħu li japprova l-kwittanza baġitarja tal-aġenzija għas-sena 2010 fl-istennija ta’ informazzjoni oħra relatata mal-politika li din twettaq fil-qasam tal-kunflitt ta interess.

(6)  Ara, pereżempju, Frederick vom Saal & Claude Hughes, “An extensive new literature concerning low-dose effects of bisphenol-A shows the need for a new risk assessment”, Environmental Health Perspectives, vol. 113, Awwissu 2005, p. 926-933.

(7)  Pereżempju, il-ħlewwa artificjali aspartame hija preżenti f’6  000 prodott differenti.

(8)  Pereżempju Sofie Christiansen, Ulla Hass et al., “Synergic disruption of external male sex organ development by a mixture of four antiandrogens”, Environmental Health Perspectives, vol. 117, nru 12, Diċembru 2009, p. 1839-1846.

(9)  Fl-2006, il-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura, mistoqsi mill-membru parlamentari Paul Lannoye, għaraf li hemm lakuna regolatorja għall-evalwazzjoni tat-taħlitiet. Madankollu, minn mindu ammetta dan, ma nkiseb l-ebda progress sinifikanti.

(10)  Id-Dikjarazzjoni ta’ Berlaymont tal-2013 dwar l-interferenti endokrinali.

(11)  Fl-2008, il-bejgħ ta’ flixken għat-tisqija tat-trabi manifatturati bil-BPA ġie pprojbit fil-Kanada, u fl-2011, l-UE għamlet l-istess. Mill-1 ta’ Jannar 2015, Franza pprojbixxiet l-użu tal-bisfenol A għall-prodotti kollha maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ prodotti tal-ikel. Din il-projbizzjoni ġiet iġġustifikata b’opinjoni xjentifika mill-aġenzija nazzjonali ANSES. Fil-21 ta’ Jannar 2015, l-EFSA ppubblikat opinjoni li tiddikjara li “fil-livelli attwali ta’ espożizzjoni il-BPA ma joħloqx riskju għas-saħħa tal-konsumaturi tal-gruppi tal-etajiet kollha.”

(12)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika mill-interferenti endokrinali (2012/2066(INI)), premessi A u C, u Id-Dikjarazzjoni ta’ Berlaymont tal-2013 dwar l-interferenti endokrinali.

(13)  L-EFSA tirreferi, b’mod partikolari, għas-simposju li hija organizzat fi Brussell f’Ġunju 2012 fejn esperti fl-endokrinoloġija rrappreżentaw biss parti (minoritarja) tal-parteċipanti.

(14)  Affermazzjoni tal-endokrinologu Amerikan Frederick vom Saal waqt il-konferenza internazzjonali li saret f’Berlin f’Settembru 2012.

(15)  Andreas Kortenkamp, Olwenn Martin, Michael Faust, Richard Evans, Rebecca McKinlay, Frances Orton u Erika Rosivatz, “State of the art assessment of endocrine disrupters”, rapport finali, 23 ta’ Diċembru 2011.

(16)  Il-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Defining criteria for identifying Endocrine Disruptors in the context of the implementation of the Plant Protection Product Regulation and Biocidal Products Regulation”, Ġunju 2014.

(17)  Evanthia Diamanti-Kandarakis et al, “Endocrine-disrupting chemicals: an Endocrine Society scientific statement”, Endocrine Reviews, vol. 30, nru 4, Ġunju 2009. p. 293-342.

(18)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

(19)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(20)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.


14.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Gżejjer intelliġenti

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 268/02)

Relatur:

is-Sinjura DARMANIN

Nhar l-10 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Gżejjer intelliġenti

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Marzu 2015.

Matul il-506 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Marzu 2015 (seduta tad-19 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’147 vot favur, vot (1) wieħed kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-gżejjer għandhom karatteristiċi uniċi li jġibu magħhom diffikultajiet speċifiċi, iżda dawn jistgħu jissarrfu f’opportunitajiet għall-gżejjer, sakemm jiġu implimentati politiki ta’ żvilupp intelliġenti u sostenibbli sabiex il-gżejjer jingħataw il-vantaġġi kompetittivi li jirriżultaw mit-tkabbir sostenibbli u impjiegi aħjar.

1.2.

Fil-kuntest tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ żvilupp intelliġenti u sostenibbli, għandhom jitqiesu wkoll il-karatteristiċi speċifiċi tal-gżejjer, partikolarment f’termini tal-vulnerabbiltà tagħhom għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Għalhekk, il-politiki u l-inizjattivi għandhom jiżguraw l-integrazzjoni adatta tal-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima sabiex jiġi żgurat li l-gżejjer jiżviluppaw u jsaħħu r-reżiljenza għall-klima fl-oqsma kollha tal-ekonomiji tagħhom.

1.3.

Politiki intelliġenti għall-Gżejjer Intelliġenti jkunu jinkludu “Test Insulari” fejn jiġi ttestjat l-effett ta’ kull politika tal-UE fuq il-gżejjer u tingħata kunsiderazzjoni adatta tad-dimensjoni insulari. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex timplimenta Testijiet Insulari fid-DĠs kollha.

1.4.

Il-KESE jipproponi firxa sħiħa ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika intelliġenti bil-għan li tingħata spinta lill-gżejjer intelliġenti, li kull waħda minnhom hija spjegata u deskritta fid-dettall fil-punti 4 sa 11 hawn taħt. Dawn huma relatati:

mal-aġenda diġitali: l-investiment fl-infrastruttura, l-ikkompletar tas-suq uniku u l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp;

mal-provvista tal-enerġija: il-gżejjer bħala żoni ta’ prova għall-enerġija mill-oċeani, mill-marea, mix-xemx u mir-riħ; u l-ikkombinar ta’ dawn it-teknoloġiji;

mal-mobbiltà u t-trasport fil-bliet: H2020 u Interreg għandhom programmi mmirati lejn it-trasport marittimu u l-mobbiltà urbana favur is-sostenibbiltà fil-gżejjer; l-ikkombinar tal-għajnuna mill-istat u t-trasport sostenibbli;

mal-politika marittima: is-sorveljanza marittima; ir-riċerka u l-iżvilupp tat-tħaffir f’qiegħ il-baħar u l-oċeanografija bl-użu tal-gżejjer bħala ċentri ta’ riċerka; valutazzjoni tal-impatt fuq il-gżejjer tal-politika marittima; ir-rwol tal-gżejjer fil-politika marittima;

mal-kummerċ ta’ oġġetti u ta’ servizzi: l-aħjar prattiki tal-kummerċ “ta’ niċċa”; l-adattament tal-politika favur il-kummerċ “ta’ niċċa” fil-gżejjer; laboratorji miftuħa għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-gżejjer;

mat-turiżmu: l-aċċessibbiltà; l-ispeċifiċitajiet tan-natura tat-turiżmu u l-impatti tat-turiżmu;

mal-ġestjoni tal-ilma: politika b’karatteristiċi speċifiċi uniċi għall-gżejjer; u fl-aħħar nett

mal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja.

1.4.1.

Huwa mifhum li l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, fl-ewwel istanza, u skont il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet involuti –kemm jekk huma maqsuma jew le – se tkun ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali jew fil-livell tal-UE. Hawnhekk, il-kooperazzjoni bejn il-livelli hija mħeġġa ħafna.

2.   Kamp ta’ applikazzjoni

2.1.

F’din l-opinjoni, il-KESE juża definizzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-gżejjer bħala bażi. Madankollu, minn naħa, hija limitat il-kamp ta’ applikazzjoni għall-gżejjer li jiffurmaw parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u min-naħa l-oħra, twessgħet biex tinkludi gżejjer żgħar u ta’ daqs medju li huma fihom infushom ukoll Stati u Membri taż-ŻEE. Dan jirreferi b’mod speċifiku għal Malta, Ċipru u l-Islanda.

2.2.

Bit-terminu “gżejjer intelliġenti”, il-KESE qed jirreferi b’mod speċifiku għal żona insulari li toħloq żvilupp ekonomiku lokali sostenibbli u kwalità għolja tal-ħajja billi jeċċellaw f’diversi oqsma ewlenin ta’ sostenibbiltà, bħall-ekonomija, il-mobbiltà, l-enerġija, l-ambjent, l-ICT, l-ilma, l-edukazzjoni, il-kapital uman u juru eċċellenza fil-governanza.

3.   Introduzzjoni

3.1.

Il-gżejjer Ewropej huma xi kultant żvantaġġati meta mqabbla mal-kontinent Ewropew, minħabba l-iżolament u n-natura periferali tagħhom. Madankollu, il-ġeografija ġġib vantaġġi kbar kif ukoll żvantaġġi, u bħalissal-gżejjer qegħdin saħansitra joffru potenzjal enormi għat-tkabbir u l-iżvilupp, mhux biss għalihom iżda wkoll għall-Ewropa kollha kemm hi. Huwa għalhekk li l-KESE qiegħed jitlob politiki intelliġenti u inizjattivi ta’ żvilupp intelliġenti fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali li jindirizzaw ukoll il-karatteristiċi speċifiċi tal-gżejjer. Madankollu, ir-responsabbiltà għal politiki intelliġenti fil-gżejjer għandha tkun maqsuma bejn il-livelli kollha msemmija hawn fuq u mhux tkun esklużivament ta’ kategorija waħda. Fi-dawl ta’ din ir-responsabbiltà kondiviża, iżda mhux għal din ir-raġuni biss, il-KESE jappella għal grupp ta’ esperti dwar il-gżejjer li jissorvelja l-politiki u l-applikabbiltà u l-effetti tagħhom fuq il-gżejjer. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li titwaqqaf pjattaforma miftuħa għall-gżejjer, li taġixxi bħala forum għall-koordinazzjoni u l-azzjoni fost il-gżejjer b’rabta mal-objettivi tal-gżejjer intelliġenti.

3.2.

Il-karatteristiċi speċifiċi tal-gżejjer spiss iwasslu għal ċerti aspetti soċjali speċifiċi, bħal pereżempju t-tnaqqis tal-popolazzjoni hekk kif in-nies jiċċaqalqu lejn il-kontinent għal raġunijiet ta’ opportunitajiet aħjar, diffikultajiet relatati mat-trasport u, xi kultant, marġinalizzazzjoni. Madankollu, xi gżejjer rnexxielhom idawru dawn l-iżvantaġġi favurihom billi żviluppaw swieq speċjalizzati li jagħmluhom distinti minn oħrajn.

3.3.

Fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-gżejjer, il-KESE jitlob li l-politiki tal-UE jkunu jinkludu “Test Insulari”, li permezz tiegħu jiġi ttestjat l-effett ta’ kull politika fuq il-gżejjer u tingħata kunsiderazzjoni adatta tad-dimensjoni insulari. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex timplimenta Testijiet Insulari fid-DĠs kollha.

4.   Kapaċità diġitali

4.1.

Peress li l-Internet huwa stabbilit b’mod ċar bħala qasam ta’ tkabbir għall-Ewropa, il-miri tagħna għall-2020 jinkludu l-iżgurar li l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal broadband sal-2020 u li 50 % tal-pubbliku jkun qed jixtri onlajn sal-2015.

4.2.

Fir-rigward tal-għan li tiġi żgurata kopertura tal-Internet mifruxa sal-2020, hemm problemi infrastrutturali u xi żoni, inklużi xi gżejjer, għadhom lura. Fis-sitwazzjoni preżenti, għadd ta’ gżejjer, partikolarment dawk l-aktar remoti, bħalissa għandhom livell baxx ta’ penetrazzjoni tal-Internet u aċċess pubbliku limitat għall-Internet.

4.3.

Għalkemm waħda mill-miri tal-UE2020 kienet li jiġi żgurat li l-Ewropa kollha jkollha kopertura tal-Internet sal-2013, dan l-għan għadu ma ntlaħaqx f’ċerti gżejjer, primarjament minħabba problemi relatati mal-infrastruttura.

4.4.

Il-kapaċità diġitali hija waħda mill-mezzi li bihom il-gżejjer jistgħu jnaqqsu x-xkiel ġeografiku ta’ iżolament, mhux biss permezz tal-opportunitajiet li l-kummerċ elettroniku joffri għall-intraprenditorija, l-impjiegi u l-SMEs iżda wkoll billi tippermetti lill-pubbliku jikseb aktar benefiċċji mis-suq uniku.

4.5.

Għal dan l-għan, il-KESE jappella sabiex tittieħed azzjoni speċifika kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali fir-rigward ta’:

i.

l-investiment fl-infrastruttura sabiex tassigura penetrazzjoni tal-broadband sħiħa fil-gżejjer;

ii.

l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali, biex b’hekk jiġi żgurat li l-gżejjer ma jiġux penalizzati u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-suq uniku; u

iii.

l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp fil-livell Ewropew billi jintuża l-potenzjal tal-gżejjer sabiex tingħata spinta lill-impjiegi u t-tkabbir f’żoni remoti. Barra minn hekk tali riċerka u żvilupp għandhom jintużaw bħala għodda biex tinkiseb aktar innovazzjoni soċjali fil-gżejjer.

5.   Sostenibbiltà tal-enerġija

5.1.

L-Ewropa introduċiet miri tal-enerġija għall-2020, l-2030 u l-2050 sabiex issir aktar sostenibbli u biex jitnaqqas l-użu ta’ karburanti fossili filwaqt li taqdi l-ħtiġijiet tal-enerġija tagħna. Xi wħud mill-gżejjer tal-UE mhux biss huma dipendenti mill-karburanti fossili għall-bżonnijiet tal-enerġija tagħhom iżda huma wkoll dipendenti minn metodi ta’ trasport marittimu ristretti u speċifiċi għall-provvista.

5.2.

Għalhekk, huwa saħansitra aktar importanti li l-gżejjer jsiru aktar sostenibbli fl-użu tal-enerġija tagħhom. Il-gżejjer huma, min-natura tagħhom stess, f’pożizzjoni tajba biex jisfruttatw l-enerġija mill-oċean, mir-riħ u mix-xemx.

5.3.

Insibu stejjer ta’ suċċess li juru li l-gżejjer għandhom il-potenzjal li jsiru awtosuffiċjenti b’mod sostenibbli f’termini tar-rekwiżiti tal-enerġija. Pereżempju, Samsø, ‘il barra mill-kosta tad-Danimarka ċentrali, ilha sa mill-1997 “il-Gżira ta’ Enerġija Rinnovabbli” tal-pajjiż. Bi ħdax-il turbina tar-riħ fuq l-art, hija setgħet issir kompletament awtosuffiċjenti fl-enerġija rinnovabbli fi żmien 10 snin. Fl-2014, El Hierro, waħda mill-gżejjer Kanarji, saret ukoll kompletament awtosuffiċjenti fl-enerġija rinnovabbli permezz tal-użu ta’ turbini tar-riħ u l-enerġija idroelettrika.

5.4.

Il-gżejjer fl-Ewropa jistgħu jisiltu benefiċċji kbar minn sorsi rinnovabbli. Minbarra li jnaqqas l-impatt tal-karbonju, is-settur huwa sors ta’ tkabbir u impjiegi mhux biss ġewwa l-industrija stess iżda wkoll lil hinn minnha, bħal fil-każ ta’ Samsø, li saret attrazzjoni turistika bis-saħħa tal-isforzi tagħha biex issir awtosuffiċjenti b’mod sostenibbli.

5.5.

Il-KESE għalhekk jitlob li tittieħed azzjoni kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali fl-oqsma li ġejjin:

i.

l-iffukar tar-riċerka u l-iżvilupp fuq l-enerġija mill-oċeani, l-enerġija mill-mewġ u mill-marea fuq gżejjer, mhux biss bl-użu tal-gżejjer bħala ċentru għall-ittestjar, anke jekk din hija kwistjoni relatata, iżda wkoll billi jiġu sfruttati l-għarfien lokali u l-għarfien espert fir-riċerka;

ii.

l-istudju tal-effetti ta’ taħlit ta’ forom differenti ta’ enerġija rinnovabbli f’żoni żgħar u lokalizzati bħal gżejjer; u

iii.

inizjattivi ta’ innovazzjoni speċifiċi mmirati għall-gżejjer.

Tali azzjoni għandha tieħu kont tal-kundizzjonijiet speċifiċi prevalenti fil-gżejjer f’diversi ibħra/oċeani.

6.   Trasport u mobbiltà fil-Gżejjer bliet

6.1.

It-trasport huwa kwistjoni partikolarment diffiċli għan-nies li jgħixu fil-gżejjer, billi huma mdawrin bil-baħar u għalhekk jiddependu ħafna mill-vjaġġi bil-vapur u l-linji tal-ajru. Barra minn hekk, għall-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-oġġetti l-gżejjer jiddependu ħafna wkoll mit-trasport bil-baħar. Fid-dawl ta’ dan, is-servizzi tal-vjaġġi bil-vapur ġeneralment jirċievu għajnuna mill-Istat u sussidji sabiex itaffu parti mill-piż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar bil-baħar għar-residenti. Barra minn hekk, ħafna kumpaniji tat-trasport għadhom jużaw fjuwil ta’ kwalità baxxa, li jhedded lill-ħaddiema fil-qasam tat-trasport marittimu, lill-popolazzjoni lokali u lit-turisti.

6.2.

Għalkemm il-mobilità urbana hija dipendenti mill-użu estensiv ta’ vetturi bil-mutur, qed jiġu introdotti metodi iktar sostenibbli tat-trasport urban, eżempju wieħed huwa l-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi fil-gżejjer Eoliċi. Fil-każ tal-gżejjer hemm ambitu akbar għall-introduzzjoni, jew użu aktar estensiv, ta’ karozzi ibridi u elettriċi.

6.3.

Il-KESE jirrakkomanda li tittieħed azzjoni fl-oqsma li ġejjin:

i.

proġetti speċifiċi tal-programm Orizzont 2020 għandhom ikunu mmirati lejn proġetti ta’ trasport marittimu effiċjenti fl-użu tal-enerġija fil-gżejjer;

ii.

l-għajnuna mill-Istat għat-trasport għandha tingħata lill-kumpaniji li jieħdu passi konkreti biex inaqqsu l-emissjonijiet u jużaw fjuwil ta’ kwalità tajba għat-trasport marittimu;

iii.

proġetti tal-INTERREG għandhom ikunu mmirati lejn mobilità urbana effiċjenti fl-użu tal-enerġija fil-gżejjer;

iv.

għandha ssir enfasi fuq il-ħolqien ta’ impjiegi deċenti u aktar sostenibbli fil-gżejjer. Il-KESE jitlob ukoll li jitnaqqas l-impjieg prekarju għall-persunal tal-linji tal-ajru li jtiru r-rotot tal-gżejjer u tal-vapuri tal-kruċieri, li n-negozju tagħhom spiss jibbenefika mill-attraenza tal-gżejjer.

v.

l-aċċessibbiltà għall-anzjani jew għall-persuni b’diżabbiltà għandha wkoll tifforma parti mill-politiki tat-trasport intelliġenti fuq il-gżejjer.

7.   Politika marittima

7.1.

F’dawn l-aħħar snin, l-ekonomija blu u l-potenzjal tagħha ngħataw iżjed attenzjoni. L-affarijiet marittimi huma importanti ferm għall-gżejjer, peress li jinsabu mdawrin bil-baħar.

7.2.

Il-gżejjer jistgħu jiksbu benefiċċji partikolari mill-implimentazzjoni ta’ politiki marittimi fil-livell tal-UE.

7.3.

Il-KESE jtenni s-sejħiet tiegħu preċedenti għal opinjonijiet dwar l-importanza ta’ gżejjer tal-UE għat-trasport marittimu u l-għarfien esperti f’attivitajiet tat-tbaħħir. Il-gżejjer tal-UE għandhom vantaġġ komparattiv bħala fornituri ta’ baħħara li jkollhom ġenerazzjonijiet ta’ għarfien marittimu espert li m’għandux jintilef. Madankollu, f’perjodu ta’ qgħad akut fuq l-art, l-industrija tat-tbaħħir tal-UE qed tbati minn skarsezza magħrufa ta’ baħħara tal-UE li jistgħu jiġu impjegati bħala uffiċjali tal-flotta tal-UE.

7.4.

Il-KESE jirrakkomanda li tittieħed azzjoni fl-oqsma li ġejjin:

i.

għandhom jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-gżejjer jiksbu benefiċċji speċifiċi mis-sorveljanza marittima;

ii.

il-gżejjer għandhom jingħataw kompiti ta’ riċerka u żvilupp fl-oqsma tat-tħaffir f’qiegħ il-baħar, l-oċeanografija u l-immappjar ta’ qiegħ il-baħar, u għandha tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom f’dawn l-oqsma; il-gżejjer jistgħu jaqdu rwol ikbar fil-ħarsien tal-bijodiversità, u l-inizjattivi li jittieħdu f’diversi livelli fil-qasam għandhom jiġu appoġġjati;

iii.

il-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq analiżi tal-impatt Ewropew dwar ir-rwol tal-gżejjer tal-Ewropa fl-affarijiet marittimi;

iv.

għandu jsir sforz iffukat fil-qasam tal-affarijiet marittimi, b’enfasi speċifika fuq il-gżejjer u r-rwol tagħhom.

v.

l-azzjoni tal-UE hija meħtieġa biex jiġu attirati l-abitanti tal-gżejjer tal-UE biex isegwu l-professjoni marittima u jingħataw it-taħriġ meħtieġ.

8.   Prodotti u servizzi tal-gżejjer

8.1.

Il-gżejjer madwar l-Ewropa żviluppaw b’rati differenti, xi wħud għadhom fl-istadju ta’ Migrazzjoni, Rimessa, Għajnuna u Burokrazija (migration, remittance, aid and bureaucracy stage – MIRAB) (Bertram u Watters, 1985); oħrajn huma Ekonomija Turistika ta’ Gżejjer Żgħar (small island tourist economies – SITE) (McElroy, 2006); u finalment oħrajn laħqu l-istadju ta’ Individwi, Ġestjoni tar-riżorsi, Involviment barrani u paradiplomazija, Finanzi u Trasport (People, Resource Management, Overseas Engagement and Para-Diplomacy, Finance and Transportation – PROFIT) (Baldacchino, 2006).

8.2.

Xi eżempji ċari ta’ prattika tajba fost il-gżejjer u li qegħdin fl-istadju hekk imsejjaħ PROFIT huma:

Jersey: ġestjoni tal-ġid privat;

Malta: logħob elettroniku;

Islanda: cloud computing;

Ċipru: reġistru marittimu tal-bandieri;

Kreta: trattament tal-għajnejn LASIK.

8.3.

Il-gżejjer huma aktar kompetittivi meta jkunu jistgħu jidentifikaw u jeċċellaw fi swieq niċċa.

8.4.

Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li:

i.

jiġu identifikati l-aħjar prattiki għall-gżejjer;

ii.

il-politiki reġjonali jkunu jippermettu żvilupp ta’ swieq niċċa bħal dawn;

iii.

il-gżejjer jintużaw bħala laboratorji miftuħa għall-iżvilupp ta’ tali prodotti jew servizzi li jistgħu mbagħad jiġu introdotti b’mod wiesa’ fl-Ewropa kontinentali.

9.   Turiżmu tal-gżejjer

9.1.

Il-gżejjer spiss jiġu assoċjati mat-turiżmu (mudell SITE); iżda filwaqt li t-turiżmu huwa industrija importanti għall-gżejjer dan m’għandux jitqies bħala l-unika industrija jew dik prinċipali, u għandha tingħata kunsiderazzjoni adatta lill-industrija b’mod ġenerali.

9.2.

It-turiżmu niċċa huwa ta’ vantaġġ kompetittiv ċar għall-gżejjer meta mqabbel ma’ żoni aktar aċċessibbli fl-Ewropa kontinentali. Madankollu t-turiżmu speċjalizzat m’għandux bilfors ifisser turiżmu li jqum aktar flus. F’dan ir-rigward, l-aċċessibbiltà tal-gżejjer hija kruċjali biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà f’termini finanzjarji, fiżiċi u ta’ trasport.

9.3.

Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li:

i.

il-politiki relatati mat-turiżmu jqisu speċifikament is-sitwazzjonijiet tal-gżejjer;

ii.

l-aċċessibbiltà fir-rigward tat-turiżmu għandha tinkludi kemm l-aspett tat-trasport tal-gżejjer, kif jissemma hawn fuq, kif ukoll l-aċċessibilità f’termini finanzjarji u ta’ mobilità kif ukoll il-kwistjoni tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent.

10.   Ġestjoni tal-ilma

10.1.

Il-gżejjer jiltaqgħu ma’ diffikultajiet simili rigward il-ġestjoni tal-ilma, jiġifieri: skarsezza tal-ilma; kwalità inferjuri tal-ilma; prattiki tal-ilma mhux adatti, bħal użu żejjed tar-riżorsi; u domanda ogħla minħabba t-turiżmu.

10.2.

Il-gżejjer vulkaniċi għandhom dimensjoni oħra tal-ġestjoni tal-ilma li ġeneralment mhix indirizzata fil-politiki dwar l-ilma: l-aspett tas-sorsi tal-ilma għall-finijiet ta’ saħħa.

10.3.

Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-politiki relatati mal-ġestjoni tal-ilma jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tal-gżejjer peress li l-ħtiġijiet tagħhom ta’ spiss joqorbu lejn:

i.

l-użu mill-ġdid tal-ilma;

ii.

distinzjoni bejn l-ilma tax-xorb u dak li mhux tajjeb għax-xorb;

iii.

id-desalinazzjoni;

iv.

il-ġbir tal-ilma tax-xita; u

v.

it-titjib tas-sostenibbiltà tas-sorsi tal-ilma użat għal raġunijiet ta’ saħħa.

11.   Edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja

11.1.

L-edukazzjoni ta’ spiss titqies bħala element ċentrali għat-titjib tal-istandards tal-għajxien. Dan japplika b’mod partikolari għall-gżejjer. Filwaqt li l-istituzzjonijiet terzjarji fil-gżejjer ta’ spiss jeċċellaw f’oqsma speċifiċi, li jirriflettu wkoll l-approċċ tan-niċċa, l-edukazzjoni avvanzata prinċipali għandha tkun aċċessibbli wkoll għall-abitanti tal-gżejjer.

11.2.

Għal dan l-għan, il-potenzjal tad-dinja diġitali għandu jkun sfruttat aktar biex jiġi żgurat li t-tagħlim u l-edukazzjoni jkunu aċċessibbli għall-abitanti tal-gżejjer, l-istess bħal fil-każ tal-persuni li jgħixu fl-Ewropa kontinentali. Eżempju ċar tal-potenzjal tad-dinja diġitali jingħata mill-gżejjer Ċikladi, fejn it-telekonferenzi jintużaw b’mod estensiv għal skopijiet ta’ taħriġ.

11.3.

Il-gżejjer ibatu minn tnaqqis akbar tal-popolazzjoni minħabba r-rilokazzjoni, u għalhekk it-tagħlim tul il-ħajja jista’ u għandu jkun wieħed mill-politiki u l-prattiki mfassla biex tinżamm forza tax-xogħol li mhux biss tkun impjegabbli ħafna iżda wkoll li titħajjar tibqa’ fil-gżira.

11.4.

Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li l-polititka għandha:

i.

tirrifletti r-rwol tal-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-gżejjer;

ii.

timplimenta approċċi ta’ tagħlim tul il-ħajja li jiżguraw l-impjegabbiltà u forza tax-xogħol li tista’ tisfrutta l-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol fi ħdan il-gżejjer;

iii.

tiżgura li ma titfaqqarx il-forza tax-xogħol fil-gżejjer.

Brussell, id-19 ta’ Marzu 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


14.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew dwar “Il-kooperazzjoni Ewropea dwar in-netwerks tal-enerġija”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 268/03)

Relatur:

is-Sur COULON

Nhar is-16 ta’ Ottubru 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“Il-kooperazzjoni Ewropea dwar in-netwerks tal-enerġija”

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Marzu 2015.

Matul il-506 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Marzu 2015 (seduta tat-18 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’167 vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jikkunsidra li huwa kruċjali għaċ-ċittadini u n-negozji li jkun hemm kooperazzjoni Ewropea msaħħa fil-qasam tan-netwerks tal-enerġija.

1.2.

L-atturi tas-soċjetà ċivili u r-reġjuni għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fit-transizzjoni tal-enerġija, li hija l-unika garanzija ta’ effiċjenza, ta’ kontroll tal-prezzijiet u tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

1.3.

Il-KESE jipproponi li jiġu stabbiliti fora għall-iskambji bejn l-awtoritajiet lokali u r-rappreżentanzi tas-soċjetà ċivili bħala inizjattiva konġunta tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni, u li jinkludu l-kunsilli ekonomiċi u soċjali u l-istituzzjonijiet simili f’kull Stat Membru.

1.3.1.

Il-KESE bi pjaċir jinnota l-proposta li għamlet il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Unjoni tal-Enerġija, li jinħoloq forum dwar l-infrastrutturi tal-enerġija. Dan il-forum għandu jkollu post importanti fis-soċjetà ċivili:

għall-ħolqien ta’ feedback sistematiku u l-emerġenza ta’ prattiki tajbin lokali;

għall-promozzjoni tar-riflessjonijiet dwar ir-regolamenti lokali u t-tressiq tal-finanzi lejn mudelli effikaċi;

għall-ħidma fuq l-aċċettabilità u l-aderenza għad-diversi sfidi tal-enerġija.

1.4.

Il-KESE jipproponi l-ħolqien ta’ “kont ta’ tfaddil tal-enerġija Ewropea”. Dan il-kont, li jista’ jinfetaħ minn kwalunkwe persuna Ewropea u li jrendi b’rata kemxejn ogħla mill-inflazzjoni annwali fl-Unjoni, ikun jista’ jiġbed riżorsi esklużivament dedikati għall-proġetti Ewropej tal-enerġija, u bis-saħħa t’hekk tkun tista’ tingħata spinta lill-finanzjamenti pubbliċi jew privati (kumpaniji).

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fis-snin li ġejjin l-iżvilupp tan-netwerks tal-enerġija ser ikun sfida “vitali” għall-Ewropa. L-estensjoni u t-tisħiħ tagħhom huma kundizzjoni sine qua non għas-suċċess tat-tranżizzjoni tal-enerġija, u huma assolutament meħtieġa fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-kompetittività u l-attraenza ekonomika tal-Ewropa, u fl-aħħar mill-aħħar għas-sigurtà tal-provvista għall-konsumaturi.

2.2.

Dan il-proċess ser jinvolvi li jiġu mobilizzati mijiet ta’ biljuni ta’ euro, li l-pedament tagħhom tqiegħed mill-programm ta’ stimolu fiskali tal-Kummissjoni għal tkabbir ekonomiku li jiġġenera l-attività ekonomija u l-impjieg. Dawn l-investimenti ser jimxu id f’id mal-użu mifrux ta’ netwerks intelliġenti (kemm tat-trasport kif ukoll tad-distribuzzjoni), li qed jagħtu xhieda li ser ikunu swieq importanti. Ser ikun meħtieġ li jiġu ġenerati fondi komplementari innovattivi anki bil-promozzjoni ta’ proġetti finanzjati mill-komunità.

2.3.

Politika Ewropea ġenwina dwar l-infrastruttura tal-enerġija titlob li jiġu żviluppati netwerks ta’ innovazzjoni ewlenin li jsaħħu l-kompetittività Ewropea fil-kompetizzjoni globali.

2.4.

Din il-prijorità mogħtija lin-netwerks tal-enerġija ser tkun fuq quddiem nett ta’ din il-kooperazzjoni/integrazzjoni Ewropea msaħħa fil-qasam tal-enerġija, li llum saret ferm urġenti, adottata b’mod mifrux fl-Opinjonijiet preċedenti tal-KESE, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-kostruzzjoni ta’ Komunità Ewropea tal-Enerġija. Dan huwa preċiżament l-għan tal-Unjoni tal-enerġija proposta mill-Kummissjoni l-ġdida, immexxija mill-Viċi President Maroš Šefčovič.

2.5.

B’konformità mal-prijoritajiet tal-KESE, l-Unjoni tal-Enerġija għandha l-għan li tippromovi d-djalogu u l-kooperazzjoni, li huma l-unika mod biex jitnaqqsu l-ispejjeż, tiżdied l-effiċjenza u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u l-intrapriżi.

3.   Il-kwistjonijiet tal-infrastrutturi tal-gass fl-Ewropa

3.1.

Fl-2014, is-sitwazzjoni fl-Ukraina reġgħet qajmet il-biżgħat tal-Ewropa fir-rigward tal-provvista tal-gass naturali. Filwaqt li qed jonqsu d-depożiti tal-Baħar tat-Tramuntana jew tal-Pajjiżi l-Baxxi, id-diversifikazzjoni tal-importazzjonijiet illum hija kwistjoni importanti ħafna bħalma hija dik tal-kapaċità tal-kontinent biex ilaħħaq ma’ twaqqif potenzjali fil-provvista. Fis-snin li ġejjin dan ser ifisser li rridu nibdew inwettqu għadd ta’ proġetti transkonfinali għall-pipelines tal-gass, kompressuri biex indawru l-fluss f’każ ta’ bżonn jew inkella terminals tal-metan. Fl-istess ħin, l-infrastrutturi interni fl-Ewropa ser ikunu meħtieġa biex jippromovu l-integrazzjoni tas-suq intern u sabiex jiġi evitat id-divrenzjar fil-prezz minħabba l-punti ta’ konġestjoni.

3.2.

Barra minn hekk, it-transizzjoni tal-enerġija f’ħafna aspetti qed tfixkel il-prospetti tal-industrija tal-gass billi qed jintbagħtu sinjali differenti, li xi kultant jistgħu jkunu kontradittorji. Fil-fatt, l-infrastruttura tal-gass tiddependi minn investiment li jiġi rkuprat biss wara għexieren ta’ snin. F’dan il-kuntest, ir-rieda li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija jew li l-użu tal-enerġija jiġi trasferit minn enerġija bbażata fuq il-karbonju għall-enerġiji rinnovabbli ma tantx qed tgħin biex jitħeġġu investimenti bħal dawn. Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-gass tax-shale fl-Istati Uniti kif ukoll l-importazzjonijiet tal-faħam mill-Istati Uniti, ma kinux mistennija u wasslu għal investiment eċċessiv fil-ġenerazzjoni tal-elettriku b’ċiklu kkombinat, li kien intiż sabiex jikkontrobilanċja l-ġenerazzjoni intermittenti. Madankollu, it-transizzjoni tal-enerġija timplika l-iżvilupp tal-bijogass, li ser jirrikjedi ċertu adattament tan-netwerks biex dawn iqisu l-ġbir u l-karattru mifrux ta’ dawn is-sorsi ta’ produzzjoni.

3.3.

Fir-rigward tal-gass naturali, l-isfida ta’ triq ċara u faċli li tinftiehem lejn strateġija Ewropea għall-enerġija hija għalhekk waħda ewlenija minħabba l-investimenti konsiderevoli li jridu jitwettqu u li sal-2020 huma stmati għal EUR 70 biljun mill-Kummissjoni Ewropea u EUR 90 biljun mill-ENTSO-G.

4.   Il-kwistjoni tan-netwerks tal-elettriku fit-transizzjoni tal-enerġija

4.1.

It-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku huma s-sinsla tas-sistema tal-elettriku, u ass ewlieni għat-transizzjoni tal-enerġija. Dawn għandhom jiġu adattati għall-mezzi ġodda ta’ produzzjoni rinnovabbli, iktar mifruxa u intermittenti u għall-ħtiġiet ġodda tal-konsumaturi sabiex jiġi żgurat il-bilanċ bejn il-provvista tal-elettriku u d-domanda għalih. L-ewwel linji tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli għall-ewwel kienu żviluppati biex jaqdu s-sistemi ta’ ġenerazzjoni ċentralizzati, termali, nukleari, imbagħad idrawliċi, imbagħad nukleari f’ħafna pajjiżi. Il-ħtiġiet tal-konsum fiż-żoni urbani u industrijali, fejn it-tkabbir kien mgħaġġel ħafna mis-snin 50 ‘l hawn, iddeterminaw il-lokalitajiet tal-linji l-ġodda. Illum, l-Ewropa għandha flussi kbar ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli li jaqsmu l-fruntieri nazzjonali u jagħmluha saħansitra aktar importanti s-solidarjetà indispensabbli bejn it-territorji.

4.2.

L-għanijiet tal-UE għall-2020 u l-2050, li jikkunsidraw il-klima u l-ambjent, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kompetittività, qed iwasslu għal splużjoni ta’ investimenti fis-sistemi ta’ produzzjoni tal-elettriku deċentralizzati minn sorsi rinnovabbli. Fi Franza u fil-Ġermanja, iżda wkoll fi Spanja u l-Italja, madwar 95 % ta’ dawn l-impjanti ta’ produzzjoni huma konnessi man-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku (vultaġġ baxx u medju). Din l-enerġija deċentralizzata hija essenzjalment prodotta b’mod intermittenti, jiġifieri meta jkun hemm ir-riħ jew ix-xemx. Għalhekk, ir-rwoli u l-kompiti tad-distributuri tal-elettriku ser ikollhom jevolvu radikalment. Fl-imgħoddi, in-netwerk tad-distribuzzjoni kien jiffaċċja biss ftit “punti ta’ konġestjoni tal-elettriku” u kien iqassam lill-konsumatur aħħari b’mod minn fuq għal isfel, l-elettriku li kien prodott ċentralment u mgħoddi min-netwerk ta’ trażmissjoni (vultaġġ għoli u għoli ħafna). Fil-ġejjieni l-ġestjoni tan-netwerk ser tinbidel. Il-konnessjoni ta’ proporzjon dejjem akbar ta’ enerġija rinnovabbli deċentralizzata, l-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi u r-rwol akbar ta’ klijenti li jistgħu jkunu involuti b’mod attiv fis-suq tal-ġestjoni tal-konsum ser ibiddlu b’mod effettiv ir-responsabbiltajiet u l-attivitajiet tad-distributuri tal-elettriku, kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn in-netwerks ta’ distribuzzjoni u n-netwerks tat-trasport. Għalhekk in-netwerks ta’ distribuzzjoni fil-ġejjieni ser ikunu dejjem aktar interkonnessi u kumplessi, b’sorsi multipli u interdipendenti ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija u tendenzi tal-konsum dejjem aktar diversi u li jvarjaw; il-flussi tal-elettriku jistgħu saħansitra jitreġġgħu lura sabiex l-elettriku jimxi minn netwerks ta’ distribuzzjoni għal dawk ta’ trażmissjoni meta tiġi ġġenerata aktar enerġija minn dik ikkunsmata lokalment. Bħala regola ġenerali, wieħed jista’ jistenna li d-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw illum in-netwerks tat-trażmissjoni tal-elettriku, b’mod partikolari l-ġestjoni tal-konġestjonijiet, dalwaqt ser isiru realtà fil-ġestjoni ta’ kuljum tan-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku.

Aktar flessibbiltà fil-produzzjoni

4.3.

Din it-tranżizzjoni tal-enerġija li qed iwettqu l-pajjiżi Ewropej kollha qed twassal biex l-enerġija tiġi ġenerata f’postijiet differenti: is-siti l-ġodda, aktar mifruxin mill-mezzi ta’ produzzjoni “konvenzjonali” ma jikkoinċidux mal-kartografija preċedenti. L-enerġija mir-riħ jew dik fotovoltajka normalment tiġi prodotta f’żoni remoti miċ-ċentri ewlenin ta’ konsum. Fil-Ġermanja, pereżempju, it-trasport tal-enerġija tar-riħ prodotta fil-Baħar tat-Tramuntana jew il-Baħar Baltiku lejn iċ-ċentri tal-konsum fin-nofsinhar huwa sfida ewlenija, u minħabba n-nuqqas attwali ta’ kapaċità ta’ trażmissjoni adegwata, il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli xi drabi tkun imxekkla u tikkaġuna ħela ta’ materjal u finanzi. In-netwerk għaldaqstant għandu jadatta malajr sabiex ikun jista’ jakkomoda sorsi ġodda ta’ produzzjoni. Anki l-politiki tal-enerġija pereżempju fir-rigward tal-ħeffa u s-serjetà tal- implimentazzjoni ta’ sorsi rinnovabbli f’kull Stat Membru għandhom iqisu l-effett fuq is-sistemi tal-enerġija fi Stati Membri oħra wkoll.

4.4.

Apparti mill-konnessjoni ta’ dawn mal-grilja, l-iżvilupp enormi ta’ dawn is-sorsi ta’ enerġija ġodda varjabbli (meta mqabbla mas-sorsi ta’ produzzjoni kontrollabbli, li kienu predominanti s’issa) iqajjem tħassib dwar il-ġestjoni tas-sistema tal-elettriku u jwassal biex nimmaġinaw għodod ġodda ta’ ġestjoni.

4.5.

Il-ħżin tal-elettriku, ladarba jibda jopera, ser ikun mod tajjeb ħafna bħala rispons għall-intermittenza tal-enerġija rinnovabbli u l-varjabilità (ta’ kuljum jew tal-istaġun) tal-konsum. Madankollu, it-teknoloġiji llum huma limitati u essenzjalment limitati għal teknoloġija ppruvata – dik bil-pompa idrawlika (teknoloġija użata għal kważi 80 sena) iżda limitata minħabba l-iskarsezza tas-siti u l-impatt ambjentali tagħhom. Barra minn hekk, dawn jinvolvu faċilitajiet kbar li jeħtieġu trażmissjoni bidirezzjonali tal-elettriku: ippumpjar u ġenerazzjoni. Is-sitwazzjoni ideali tkun il-ħżin mifrux.

4.5.1.

Jeżistu possibbiltajiet oħra, pereżempju l-ħżin fil-forma ta’ idroġenu, iżda l-ebda waħda minnhom ma tista’ twassal għal żvilupp industrijali fuq skala kbira qabel ma jgħaddu għaxar snin.

4.6.

Fin-nuqqas attwali ta’ kapaċitajiet biżżejjed ta’ ħżin deċentralizzat, effiċjenti, kosteffettiv u li jirrispetta l-ambjent, u lokalizzat ‘il bogħod mill-ftit żoni fejn l-enerġija tiġi prodotta u kkunsmata, l-aħjar soluzzjoni għall-akkoljenza u l-użu tal-enerġiji rinnovabbli ġodda sal-lum għadha l-ġestjoni tajba tal-flussi. Dan huwa preċiżament dak li jiġi faċilitat minn netwerk konness u reżiljenti biżżejjed fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Filwaqt li jkun żgurat li l-kapaċità ta’ produzzjoni qed tinġabar f’livelli differenti permezz tal-interkonnessjonijiet, is-sistema tal-enerġija tippermetti ffrankar sinifikanti filwaqt li tiggarantixxi provvista tal-elettriku madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

4.7.

Dan l-iffrankar tar-riżorsi mhuwiex marbut biss mad-daqs tan-netwerk. Dan ġej ukoll mir-relazzjoni ta’ fatturi differenti: soċjali, kulturali, ġeografiċi, metereoloġiċi jew anki differenzi fil-modi differenti ta’ produzzjoni. Ejjew nerġgħu nieħdu l-eżempju tal-interkonnettività bejn il-grilji Ewropej: l-ogħla punti ta’ konsum ta’ filgħaxija jvarjaw minħabba d-differenzi fl-istil tal-ħajja bejn il-pajjiżi ġirien: in-nies ma jiklux fl-istess ħin fil-Belġju, il-Ġermanja, Franza jew Spanja, u lanqas fir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Greċja u l-Polonja. Barra minn hekk, is-sistemi tal-elettriku fil-pajjiżi Ewropej ivarjaw fil-suxxettibilità tagħhom għal ċerti kontinġenzi: perjodi ta’ domanda għolja fi Franza jikkorrelataw b’mod qawwi ma’ temperaturi baxxi – l-ogħla livell ta’ konsum ikun waqt lejla xitwija partikolarment kiesħa għall-ħabta tas-7 p.m., filwaqt li l-Ġermanja hija sensittiva ħafna għall-produzzjoni tal-enerġija bir-riħ, u Spanja tesperjenza l-ogħla konsum tagħha f’nofs il-ġurnata fis-sajf għall-ħabta tas-1 p.m., minħabba l-arja kondizzjonata.

4.8.

Bis-saħħa tal-ġbir tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-elettriku permezz tal-interkonnessjonijiet kull pajjiż jista’ jaqsam ir-riskju assoċjat ma’ dawn il-kontinġenzi u għalhekk inaqqas il-ħtiġiet tal-kapaċità tiegħu.

4.9.

In-netwerks tat-trażmissjoni tal-elettriku jippermettu l-iżvilupp fuq skala kbira ta’ riżervi tal-enerġija rinnovabbli u ġestjoni aħjar tal-limitazzjonijiet imposti mill-karattru intermittenti tagħhom; in-netwerk jagħmilha possibbli li jirrikorru anqas għall-kapaċità ta’ “back-up”, li ħafna drabi huma impjanti li jiddependu fuq il-fjuwils fossili (il-faħam, il-gass, iż-żejt) li huma emitturi kbar ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (GHG). In-netwerks (ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni) jiżguraw il-provvista fil-ħin ta’ produzzjoni żejda lokali, pereżempju l-produzzjoni fotovoltajka qawwija f’nofsinhar f’żona residenzjali tista’ tiġi direzzjonata lejn żoni fejn ser tkun ikkunsmata. B’hekk jistgħu jiġu koperti wkoll il-ħtiġiet tal-istess nies kemm bil-lejl kif ukoll fil-ġranet bi ftit xemx jew bl-ebda xemx.

It-tibdil tal-konsum: neċessità

4.10.

Għaldaqstant, netwerk Ewropew ġestit tajjeb, ibbażat fuq infrastruttura adattata għall-ġeografija l-ġdida ta’ produzzjoni jidher li huwa għodda essenzjali għat-tranżizzjoni tal-enerġija. Iżda din hija biss parti mill-istorja.

4.11.

Fil-pajjiżi industrijalizzati, il-metodi ta’ produzzjoni kompletament kontrollabbli użati sal-bidu tad-disgħinijiet, bħall-enerġija idrawlika jew dik nukleari, wasslu għall-ħsieb li l-produzzjoni għandha tadatta għall-konsum (provvista u domanda) u mhux bil-kontra. L-operatur tan-netwerk kellu jiżgura li l-produzzjoni u l-provvista tal-enerġija jiġu adattati għall-varjazzjonijiet fil-konsum sabiex ikun żgurat il-bilanċ permanenti bejn il-produzzjoni u l-konsum tal-elettriku.

4.12.

Iżda s-sitwazzjoni nbidlet b’mod irriversibbli. L-iżvilupp ta’ użi ġodda tal-elettriku (l-użu mifrux tal-arja kkondizzjonata, il-proliferazzjoni tat-tagħmir elettroniku, it-telefonija mobbli, u diversi applikazzjonijiet, eċċ.) u t-trasferimenti tal-użu tal-elettriku li jkunu qed iseħħu b’mod speċjali fis-settur tat-trasport (vetturi elettriċi) jinvolvu l-kontroll tal-konsum attwali sabiex ma jgħabbux iżżejjed is-sistema tal-produzzjoni u n-netwerks tal-elettriku, sabiex jiġi evitat investiment kbir wisq.

4.13.

Għandhom jiġu kkunsidrati l-ogħla punti ta’ konsum assoċjati mal-varjabilità akbar tat-temp: fil-pajjiżi fejn l-elettriku huwa użat għat-tisħin, l-ogħla punti tal-konsum qed isiru aktar frekwenti matul temp aħrax: il-konsum Franza qabeż il-102 GW fl-aħħar ta’ Frar 2012, jiġifieri 30 % ogħla minn għaxar snin qabel. Il-mewġiet ta’ sħana aktar frekwenti, flimkien ma’ żieda fit-tagħmir tal-arja kkondizzjonata, diġà qed joħolqu konsum intensiv. Dan jista’ joħloq problemi f’termini ta’ produzzjoni. Fl-Ewropa tal-Punent, pereżempju, il-konsum intensiv tal-enerġija jikkorrispondi mal-perjodi sħan tas-sajf u dawk kesħin tax-xitwa, jiġifieri sistema ta’ antiċikluni karatterizzata b’mod partikolari minn nuqqas ta’ riħ. Dan ma tantx jagħmel differenza meta l-elettriku mir-riħ jirrappreżenta biss perċentwal żgħir tal-produzzjoni totali, iżda ż-żieda attwali ta’ dan is-sors ta’ enerġija tbiddel l-istampa.

4.14.

Il-ġestjoni tad-domanda hija forma speċifika u utli tal-applikazzjoni li tippermetti li jitnaqqsu l-perjodi ta’ konsum intensiv, u b’mod aktar ġenerali biex tillixxa l-kurvatura tal-volum. Din għandha tnaqqas il-konsum fiżiku fi kwalunkwe post jew minn kwalunkwe grupp ta’ utenti fi kwalunkwe ħin. It-tnaqqis ser jinfirex fis-settur residenzjali, jew ser jieħu forom differenti jekk jikkonċerna siti industrijali. Għandu jitqies il-“posponiment ta’ konsum”.

4.15.

Ir-regolazzjoni tal-konsum hija għodda waħda; l-oħrajn jinkludu l-iżvilupp ta’ netwerk intelliġenti (inqas investiment), forom ta’ ġenerazzjoni u ħżin tal-elettriku. Hawnhekk l-amministraturi tan-netwerk iridu jieħdu sehem attiv u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ tekniki ġodda tal-ġestjoni tal-konsum. Mhijiex biss it-teknoloġija iżda anki mekkaniżmi tas-suq reali li ser jippermettu t-trasformazzjoni gradwali tal-konsumaturi fi “prosumaturi”. Il-prosumaturi issa qed jassumu identità b’saħħitha, u l-amministraturi tan-netwerks (it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni) huma atturi ewlenin. Fi Franza, pereżempju, l-appelli għall-offerti issa jagħmluha possibbli li jiżdied b’mod sostanzjali l-ammont ta’ tnaqqis fid-domanda minn meta l-ġestjoni tad-domanda ġiet introdotta fl-2010: minn 100 MW meta s-sistema ġiet ippilotata għal iktar minn 700 MW fl-aħħar tal-2013. Hawnhekk ukoll, hemm ħafna li jeħtieġ li jiġi diskuss bejn l-operaturi, l-awtoritajiet lokali, l-impjegati fis-settur u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi.

4.16.

Il-mekkaniżmi l-ġodda tas-suq li għandhom jinħolqu fis-snin li ġejjin, bħal pereżempju l-mekkaniżmu ta’ kapaċità, għandhom jappoġġjaw din it-tendenza fuq medda medja u twila ta’ żmien, u b’hekk jikkontribwixxu sabiex tittejjeb iktar il-flessibbiltà tad-domanda għall-elettriku.

5.   Mill-ottimizzazzjoni ekonomika u soċjali għal dik ambjentali

5.1.

Il-ġbir u l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi u l-flessibbiltà tal-produzzjoni minn naħa u l-espansjoni u l-flessibbiltà tal-konsum min-naħa l-oħra, dawn l-aspetti kollha jirreferu għal kompitu ewlieni tan-netwerk ta’ trażmissjoni u n-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku: is-solidarjetà territorjali. Fil-fatt, in-netwerk ta’ trażmissjoni jservi biex jinstab bilanċ reġjonali kif ukoll nazzjonali, il-potenzjal diverġenti ta’ produzzjoni, u profili ta’ konsum differenti u irregolari. Minbarra l-flessibbiltà li joffri bejn il-produzzjoni u l-konsum, in-netwerk tat-trażmissjoni tal-elettriku huwa wkoll għodda għal titjib tas-sistema tal-elettriku mill-aspett ambjentali.

5.2.

Fil-fatt, il-ġestjoni tal-fluss tal-elettriku tqis il-limiti tekniċi u l-ġerarkija ekonomika u soċjali tad-diversi sorsi tal-produzzjoni tal-elettriku. L-hekk imsejħa enerġija inevitabbli (dik li tintilef jekk ma tintużax immedjatament, pereżempju mir-riħ, mix-xemx, jew l-enerġija fotovoltajka) hija użata l-ewwel, imbagħad dik idrawlika bil-fluss tal-ilma, imbagħad l-elettriku nukleari li l-ispiża marġinali tiegħu hija baxxa. Dawn huma segwiti mis-sorsi fossili, il-faħam, il-gass u ż-żejt, skont il-prezz tal-fjuwil. L-idroelettriku ta’ riżerva jaqdi iktar rwol ta’ “regolatur” tas-sorsi l-oħra. Bħal faċilitajiet oħra ta’ produzzjoni konvenzjonali flessibbli (pereżempju impjanti għall-enerġija bil-gass).

5.3.

Dan fit-teorija jiggarantixxi l-aħjar użu u hu l-aktar ekonomiku mis-sorsi ta’ produzzjoni. Iżda l-għadd ta’ parametri li għandhom jiġu kkunsidrati jagħmlu pressjoni fuq is-sistema, u ż-żieda fir-rwol tal-enerġiji rinnovabbli jistgħu jikkontribwixxu għad-destabbilizzazzjoni.

5.4.

Apparti mill-integrazzjoni teknika tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija fis-sistema tal-elettriku, l-iżvilupp tagħhom fi ħdan il-qafas ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ, b’mod partikolari dak finanzjarju, iqajjem il-kwistjoni dwar ir-relazzjoni tagħhom mal-mekkaniżmi tradizzjonali tas-suq.

5.5.

Dan irid jitqies fil-kuntest tiegħu: is-sistemi ta’ produzzjoni termali, b’mod partikolari ċ-ċikli kkombinati li jaħdmu bil-gass, qed isibuha diffiċli jagħmlu profitt minħabba l-istaġnar tal-konsum, li jista’ jitqies b’mod pożittiv mill-perspettiva soċjali, iżda wkoll minħabba t-tnaqqis fil-prezz tal-faħam u tas-CO2 fl-Ewropa. F’dan il-kuntest, l-injezzjoni ta’ produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli mhux kummerċjali tista’ tkun sors ta’ żbilanċi għas-swieq organizzati. Fil-fatt rajna f’diversi okkażjonijiet prezzijiet negattivi fuq is-swieq bl-ingrossa, sitwazzjoni paradossali li f’ċerti pajjiżi Ewropej tista’ tirriżulta f’mijiet ta’ sigħat fis-sena. L-għeluq li sar f’dawn l-aħħar snin, minħabba n-nuqqas ta’ valur ekonomiku, ta’ aktar minn 70  000 MW li jaħdmu b’ċiklu kkombinat bil-gass, bil-konsegwenzi kollha tekniċi, soċjali u ekonomiċi relatati, jirrifletti n-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-iżvilupp ta’ mudell Ewropew ġdid ta’ enerġija u s-sitwazzjonijiet li jirriżultaw mis-suq intern tal-enerġija.

5.6.

It-tnaqqis fil-grad ta’ bosta impjanti termiċi, b’mod partikolari dawk bil-gass, madwar l-Ewropa kollha, jista’ jsir problema. Barra mill-problemi soċjali, il-marġini ta’ sigurtà disponibbli llum, li ppermettew pereżempju li inkampaw tul it-temp kiesaħ madwar il-kontinent fl-2012, ser jonqsu matul il-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2018, bi tnaqqis qawwi fl-2015 u l-2016. Ix-xenarji differenti studjati minn diversi kumpaniji juru li jekk avveniment bħal dak tal-kesħa ta’ Frar 2012 kellu jerġa’ jseħħ fl-istess kundizzjonijiet klimatiċi (riħ, xemx, temperatura), il-kriterju tas-sikurezza tal-forniment stabbilit minn ċerti Stati Membri, li jammonta għal medja ta’ tliet sigħat ta’ interruzzjoni tal-provvista tal-elettriku, jista’ ma jintlaħaqx fl-2016!

5.7.

Fil-preżent, is-suq tal-elettriku qed ibati biex jibgħat sinjali effettivi fit-tul, li huma essenzjali biex jinkisbu l-investimenti neċessarji u biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet Ewropej għall-enerġija u l-klima. Fl-Unjoni Ewropea, u f’ħafna mill-pajjiżi fil-viċinat tagħha, hemm bżonn b’mod urġenti mudell ġdid biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, mudell li jippermetti kemm li jitħeġġeġ li jispuntaw opportunitajiet teknoloġiċi u industrijali li għandhom jiġu żviluppati fuq il-bażi ta’ netwerk intelliġenti, kif ukoll li tinħaseb mill-ġdid l-ekonomija tas-sistemi tal-elettriku kollha kemm hi, b’tali mod li tkun kompatibbli mad-diversi għanijiet maħsuba għall-2030 u lil hinn.

Brussell, it-18 ta’ Marzu 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


14.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-iżvilupp sostenibbli u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qafas tal-ftehimiet awtonomi ta’ investiment min-naħa tal-UE ma’ pajjiżi terzi”

(2015/C 268/04)

Relatur:

is-Sur PEEL

Fis-sessjoni plenarja tal-10 ta’ Lulju 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-rwol tal-iżvilupp sostenibbli u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qafas tal-ftehimiet awtonomi ta’ investiment min-naħa tal-UE ma’ pajjiżi terzi.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Frar 2015.

Matul il-506 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar it-18 u d-19 ta’ Marzu 2015 (seduta tad-19 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’165 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

F’dawn l-aħħar snin, l-UE nnegozjat b’suċċess għadd ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTA), kull wieħed fih kapitolu speċifiku dwar l-iżvilupp sostenibbli, flimkien ma’ mekkaniżmu konġunt tas-soċjetà ċivili għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni. F’kull każ il-Kumitat għandu rwol importanti x’jaqdi. L-UE qiegħda twettaq żewġ negozjati separati għal Ftehimiet awtonomi ta’ Investiment, u jista’ jkun hemm iktar fil-futur. Il-Kumitat iqis li huwa essenzjali li dawn il-ftehimiet għandhom jinkludu wkoll kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli b’mekkaniżmu adatt li jippermetti l-involviment tas-soċjetà ċivili.

1.2.

Ftehimiet awtonomi ta’ Investiment separati, aktar milli FTA sħiħ, ser jiġu nnegozjati għal raġunijiet differenti kif iċ-ċirkostanzi jeħtieġu, iżda jeħtieġ li l-ambitu tagħhom ikun aktar limitat. Ir-rekwiżit li jiġi inkluż kapitolu separat dwar l-iżvilupp sostenibbli f’dawn il-ftehimiet jibqa’ konvinċenti, iżda l-inklużjoni formali tal-involiment tas-soċjetà ċivili se teħtieġ sforz ikbar. Fi Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, bħal dak mal-Korea, ħafna Kumitati konġunti jiġu mwaqqfa, iżda Ftehim ta’ Investiment se jkollu ftit ħafna.

1.2.1.

Għalhekk, hija meħtieġa iktar inġenwità biex jiġi involut b’mod dirett il-kontribut tas-soċjetà ċivili. Dan għandu jiġi żviluppat permezz tal-użu ta’ mekkaniżmu ta’ djalogu eżistenti, bħal dak offrut mir-Round Table UE-Ċina, jew inkella billi jiġi inkoraġġut id-djalogu intersettorjali, inkluż użu akbar tal-imsieħba soċjali. F’kull każ, il-Kumitat għandu jiġi inkluż fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet possibbli.

1.3.

Parti mill-enfasi tal-UE fuq l-iżvilupp sostenibbli naturalment tirriżulta minn xewqa globali tagħha li tippromovi u ssaħħaħ il-qawwa tat-twemmin komuni tagħha fid-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, it-trasparenza u l-prevedibbiltà, mhux l-inqas f’oqsma prinċipali bħall-IPR.

1.3.1.

Fil-qalba ta’ dan hemm il-protezzjoni tal-ambjent, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet indirizzati kemm mill-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO kif ukoll mill-konvenzjonijiet ambjentali ewlenin. Il-Kumitat jemmen li issa wasal iż-żmien li tiġi enfasizzata l-implimentazzjoni reali ta’ dawn il-ftehimiet permezz ta’ sforzi kollaborattivi li jinvolvu l-bini tal-kapaċitajiet kemm fir-riżorsi umani kif ukoll it-trasferiment tat-teknoloġija.

1.3.2.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-27 laqgħa bejn l-AKP u l-UE f’Ottubru 2014 (1) tistabbilixxi b’mod ċar il-prinċipji sottostanti u t-tħassib tal-Kumitat, hawnhekk kondiviż mas-soċjetà ċivili minn barra l-UE. Is-sommarju eżekuttiv tagħha jenfasizza l-importanza kemm tal-iżvilupp sostenibbli kif ukoll tal-finalizzazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) din is-sena, flimkien mal-ħtieġa li tiġi involuta s-soċjetà ċivili (jew dawk il-partijiet interessati mhux statali) matul dawn in-negozjati. Għalkemm dan huwa stabbilit hawnhekk għal Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs), huwa applikabbli bl-istess mod għal ftehimiet ta’ investiment.

1.4.

Il-Kumitat jenfasizza wkoll li kwalunkwe Ftehim ta’ Investiment milħuq mill-UE irid ikollu sinerġija sħiħa mal-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma Miftuħ biex tiġi finalizzata s-sensiela komprensiva ta’ 17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), kif ukoll iwassal sal-Konferenza ta’ Pariġi tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC COP 15) u bl-istess mod man-negozjati plurilaterali attwali biex jitnaqqsu t-tariffi fuq prodotti ambjentali (ekoloġiċi).

1.4.1.

Il-Kumitat iddikjara fil-passat li huwa meħtieġ fehim aħjar dwar kif it-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli jinteraġixxu “biex jinstabu soluzzjonijiet ġusti, sobrji u effettivi” (2). Madankollu, is-sostenibbiltà trid taqdi rwol ewlieni fin-negozjati ta’ investiment attwali tal-UE maċ-Ċina, mhux l-inqas minħabba li nifhmu li talba fundamentali fiċ-Ċina hija għall-investiment ekoloġiku u sostenibbli, permezz tal-importazzjoni ta’ kompetenza esperta u teknoloġija tal-UE.

1.5.

Il-Kumitat jinnota b’dispjaċir li l-livelli ta’ investiment globali naqsu talanqas b’5 % mill-2000 ‘l hawn.

1.6.

Ninnotaw ukoll li, speċjalment minħabba l-UNCTAD (3) jikkalkolaw li madwar US $7 triljun se jkun meħtieġ għal investiment matul il-ħajja tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, u li mill-inqas terz ta’ dan se jkollu jiġi mis-settur privat, ir-rwol tas-settur privat se jkun fattur ewlieni fi kwalunkwe ftehim ta’ investiment. Il-protezzjoni tal-investiment hija kwistjoni ewlenija, iżda qed tiġi indirizzata f’Opinjoni oħra konkurrenti tal-Kumitat. Madankollu l-Kumitat itenni li d-dritt tal-UE u ta’ stati oħra li jirregolaw u li jsegwu objettivi leġittimi ta’ politika pubblika (inklużi s-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent) huwa ta’ importanza kbira.

1.6.1.

Il-Kumitat jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-appoġġ tal-SMEs u aktar kumpaniji speċjalizzati fi kwistjonijiet ta’ investiment, bħalma jiġri f’postijiet oħra. Dawn il-kumpaniji huma instigaturi ewlenin fl-innovazzjoni, li hija partikolarment importanti sabiex tinżamm u tiġi żviluppata s-sostenibbiltà; jagħmlu 99 % tan-nisġa ekonomika fl-UE kif ukoll joħolqu 70-80 % tal-impjiegi.

1.6.2.

L-akkwist pubbliku mill-gvern se jkollu jiġi kopert minn kwalunkwe ftehim ta’ investiment, flimkien mas-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs), fejn il-gvernijiet jaħdmu flimkien mas-settur privat. Il-politika tal-KESE dwar il-PPPs kienet is-suġġett tal-Opinjoni ECO/272 tal-21 ta’ Ottubru 2010. Għalkemm l-Opinjoni appoġġjat b’mod ġenerali l-PPPs, indikat ukoll ċerti punti ta’ tħassib, li għadhom rilevanti ħafna. Barra minn hekk, il-Kumitat kien stqarr preċedentement li l-PPPs “jistgħu jsiru strument essenzjali għat-twettiq tal-istrateġiji ta’ żvilupp, sakemm jiġi żgurat minn qabel li l-ammont ikun korrett u li jkun hemm komunikazzjoni tajba mal-partijiet interessati” (4). Kwalunkwe ftehim ta’ investiment għalhekk għandu jippermetti l-possibbiltà ta’ investimenti pubbliċi u PPPs. It-tnejn li huma għandhom jiggarantixxu l-ksib tal-miri dwar is-sostenibbiltà.

1.6.3.

Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li fil-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli fi kwalunkwe ftehim ta’ investiment ir-rwol tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva jrid jiġi kopert ukoll, inkluż referenza għall-investiment soċjalment responsabbli, bħall-Prinċipji dwar Investiment Responsabbli appoġġjati min-Nazzjonijiet Uniti (UNPRI) (5). Għal dan il-għan, dawn il-ftehimiet għandhom iħeġġu l-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati biex jiddikjaraw b’mod volontarju li d-data ta’ impatt ambjentali, soċjali u fuq il-governanza, magħrufa bħala l-kriterji “ESG”, ġiet inkluża fl-analiżi tagħhom u fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar investiment responsabbli. Ninnotaw li Komunikazzjoni ġdida tal-Kummissjoni dwar is-CSR hija mistennija kmieni fl-2015, iżda l-għarfien sħiħ u reċiproku ta’ linji gwida internazzjonali usa’ miż-żewġ partijiet fin-negozjati huwa essenzjali. Dawn jinkludu l-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali (6) u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs), li jinsabu fil-proċess ta’ implimentazzjoni. Il-Kumitat jenfasizza li kwalunkwe azzjoni fil-livell tal-UE jew dak internazzjonali m’għandhomx imorru kontru jew ifixxklu dawn.

2.   Kuntest

2.1.

L-investiment sar kompetenza tal-UE taħt it-Trattat ta’ Lisbona bħala parti mill-politika komuni kummerċjali (CCP) tagħha, filwaqt li l-UE ngħatat ir-rwol li taħdem lejn “l-abolizzjoni progressiva ta’ restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali u fuq l-investiment barrani dirett” (7). It-Trattat esiġa wkoll li l-aspetti rilevanti kollha tal-kummerċ, l-investiment u t-tkabbir, jiġu integrati iktar mill-qrib u jinfurmaw wieħed lill-ieħor – sabiex fost affarijiet oħra jkun hemm koordinazzjoni ikbar.

2.2.

Dak iż-żmien il-Kummissjoni kienet ippubblikat il-Komunikazzjoni tagħha “Lejn politika komprensiva ta’ investiment internazzjonali Ewropew” (8). Il-Komunikazzjoni, b’referenza għal Sentenzi tal-ECJ, iddeskriviet l-Investiment Dirett Barrani (IDB) bħala li “hu ġeneralment ikkunsidrat li jinkludi kwalunkwe investiment barrani li jservi biex jistabbilixxi konnessjonijiet fit-tul u diretti mal-impriża li għaliha l-kapital hu disponibbli sabiex twettaq attività ekonomika” jew “kapital li ġej minn investitur ibbażat f’pajjiż u li jmur f’intrapriża bbażata f’pajjiż ieħor”.

2.2.1.

L-Opinjoni tal-Kumitat (9) wieġbet b’dan il-mod: “Il-Kumitat jilqa’ b’mod partikolari l-assigurazzjoni ... li l-politika tal-kummerċ u l-investiment tal-UE għandha tikkonforma u tkun konsistenti mal-politika ekonomika u politiki oħrajn tal-Unjoni inkluż ‘il-ħarsien tal-ambjent, dwar xogħol deċenti, dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol’ u l-iżvilupp”.

2.3.

Madankollu, il-mixja lejn integrazzjoni aktar mill-qrib ta’ kull aspett ta’ politika esterna tal-UE ma oriġinatx dak iż-żmien. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2006 “Ewropa Globali”, maħruġa meta l-progress tan-negozjati tad-WTO ta’ Doha (DDA) kienu effettivament wieqfa, il-Kummissjoni kienet stqarret li kien essenzjali li jiġi żgurat li l-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ “jgħaddu għand iċ-ċittadini tagħna. Hekk kif nimxu fit-triq tal-ġustizzja soċjali u l-koeżjoni f’pajjiżna, għandna nfittxu wkoll li nippromwovu l-valuri tagħna, fosthom dawk soċjali u ambjentali, madwar id-dinja” (10). Fir-risposta tiegħu għal din il-Komunikazzjoni, il-Kumitat min-naħa tiegħu appella għall-inklużjoni ta’ kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli f’kull FTA sussegwenti, flimkien ma’ rwol attiv ta’ monitoraġġ għas-soċjetà ċivili (11).

2.4.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn kien hemm għadd notevoli ta’ ftehimiet ta’ kummerċ tal-UE li fihom deher b’mod prominenti kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli. Mill-bidu, bil-Ftehim UE-Korea tal-2010, l-ewwel FTA tal-UE konkluż għal diversi snin, ftehimiet bħal dawn inkludew ukoll it-twaqqif ta’ mekkaniżmu konġunt tas-soċjetà ċivili għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli, u dawn il-mekkaniżmi issa qed jibdew jidħlu fis-seħħ. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili UE-Korea ltaqa’ regolarment filwaqt li l-korpi konsultattivi li jkopru l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Amerika Ċentrali, il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Kolombja/Peru, u dak għall-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika UE-Cariforum, ukoll bdew iwettqu l-ħidma tagħhom.

2.5.

Fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi mal-Ukraina, il-Ġeorġja u l-Moldova, li ġew iffirmati reċentement, iżda għadhom mhux operazzjonali, jeżistu mekkaniżmi simili, bħalma jeżistu fil-Ftehimiet UE-Kanada (CETA) u UE-Singapore, u jistgħu faċilment jiġu antiċipati f’negozjati kummerċjali oħra tal-UE li għadhom għaddejjin.

2.6.

L-investiment min-naħa tiegħu ifforma parti prinċipali tal-mandat ta’ negozjar f’dawk in-negozjati wara li l-investiment sar kompetenza tal-UE, inkluż CETA u saħansitra aktar notevolment fin-negozjati tat-TTIP mal-Istati Uniti, fejn l-“I” jirrappreżenta Investiment. Il-mandat miftiehem għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles mal-Korea u oħrajn msemmija fil-punt 2.4 iktar ‘il fuq madankollu kien preċedenti għall-kompetenza tal-UE, iżda l-investiment ġie miżjud aktar tard mal-mandat għas-Singapore, u wara ġie konkluż b’mod separat.

2.7.

In-negozjati għal Ftehim ta’ Investiment separati u awtonomu, tnedew formalment fis-Samit UE-Ċina f’Novembru 2013, u f’Marzu 2014 ġew segwiti bit-tnedija ta’ negozjati għal ftehim simili ma’ Mjanmar. Dawn huma l-ewwel negozjati dwar investiment awtonomu tal-UE, peress li mhumiex parti minn negozjar usa’ tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (12). Dan jista’ joffri wkoll triq alternattiva attraenti fejn negozjati ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles tal-UE li ilhom għaddejjin jidhru li tilfu l-momentum kollha, filwaqt li qabel il-kriżi tal-Ukraina kienu ġew diskussi wkoll negozjati ta’ investiment separati tal-UE mar-Russja.

2.8.

Għalhekk, din l-Opinjoni tagħti ħarsa lejn ir-rwol possibbli għal kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli f’dawn il-ftehimiet ta’ investiment awtonomi, flimkien mal-ambitu għal involviment attiv u formali tas-soċjetà ċivili.

3.   In-natura tinbidel tal-investiment

3.1.

L-investiment (bħala waħda mill-“kwistjonijiet ta’ Singapor” miftiehem fl-1996) kien oriġinarjament maħsub biex jagħmel parti min-negozjati kummerċjali multilaterali tad-WTO mnedija f’Doha, iżda ġie sussegwentement abbandunat fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Cancun fl-2003. Kien falla l-isforz tal-OECD biex tniedi Ftehim Multilaterali dwar l-Investiment fl-1998. Il-Ftehim dwar Miżuri ta’ Investiment Relatati mal-Kummerċ (TRIMs) tar-Round ta’ Uruguay tad-WTO, 20 sena ilu, japplika biss għall-miżuri li jaffetwaw il-kummerċ tal-prodotti, iżda ma jinkludix servizzi oħra jew oqsma prinċipali oħra li żviluppaw fil-frattemp.

3.2.

Is-separazzjoni tal-kummerċ u l-investiment qiegħda ssir dejjem iżjed kumplessa, u teħtieġ approċċ integrat. L-Investiment Dirett Barrani (IDB) jaqdi rwol ewlieni u li qed jikber fl-istrateġija globali tan-negozju tal-UE. Ħafna jemmnu li, skont l-ispejjeż komparattivi tal-produzzjoni, il-punt ideali tal-produzzjoni huwa dak li jinsab l-eqreb tas-suq aħħari. Hekk kif qed ikomplu jiftħu swieq ġodda, dan punt partikolarment importanti għall-ekonomiji emerġenti prinċipali u ekonomija oħra li qed jiżviluppaw. Għal oħrajn, il-kapaċità li wieħed ikun jibdel il-provvista u l-produzzjoni minn pajjiż għal ieħor hija importanti, kif diġà ġie muri minħabba gradi differenti ta’ aċċettabilità fl-użu tal-bijoteknoloġija.

3.2.1.

Il-varjazzjonijiet ta’ valur tal-muniti u spejjeż li dejjem jinbidlu jaffettwaw ukoll il-katini tal-provvista, li twassal għal volatilità u movimenti għal tul ta’ żmien qasir fil-produzzjoni. Ostakli kbar għall-importazzjoni – li darba kienu pożittivi għall-investiment – issa huma wkoll aktar probabbli li jiskoraġġixxu l-IDB.

3.2.2.

Il-ktajjen globali tal-provvista u l-produzzjoni jistgħu jimirħu f’bosta pajjiżi, pereżempju ċellulari magħmul għall-Ewropa jista’ jinħadem fiċ-Ċina filwaqt li jinkorpora teknoloġija avvanzata importata minn x’imkien ieħor fix-Xlokk tal-Asja. Qabel maċ-Ċina ssieħbet fid-WTO, dawn is-soltu kienu jiġu importati fl-UE direttament. Fil-fatt, madwar nofs l-esportazzjoni taċ-Ċina tiġi minn kumpaniji li għandhom sjieda barranija u li investew fiċ-Ċina – fl-industrija tal-elettronika dan kien jammontaw saħanstira għal 65 %.

3.2.3.

Il-Komunikazzjoni tal-2010 stqarret li riċerka attwali dwar l-IDB u l-impjiegi turi li ebda impatt negattiv li jista’ jitkejjel fuq impjieg globali għadu ma ġie identifikat b’relazzjoni mal-investiment barrani (13), minkejja li tammetti li filwaqt li l-bilanċ globali huwa pożittiv, jista’ jkun hemm effetti negattivi fuq bażi ta’ settur speċifiku, ġeografika u/jew individwali. Dan iktar jista’ jolqot lil dawk li għandhom livell ta’ kwalifiki baxx.

3.3.

Prattiki kummerċjali u ta’ investiment qed jiżviluppaw malajr ħafna. Pereżempju, l-Internet qed iġib bidla radikali bit-tkabbir esponenzjali fix-xiri ta’ prodotti internazzjonalment onlajn, il-ħlas għalihom onlajn u mbagħad li jsir “tracking” tat-trasport sabiex jiġi żgurat li l-merkanzija tasal. Il-bidliet li rriżultaw minħabba l-użu dejjem jikber ta’ eBay/PayPal u ekwivalenti tagħhom (bħal Alibaba) se jirrivoluzzjonaw il-kummerċ u l-investiment. L-ICT diġà hija fattur ewlieni fl-IDB.

3.3.1.

Dan għandu potenzjal enormi għal SMEs u kumpaniji oħra iktar speċjalizzati, peress li se jippermettilhom u lin-negozji lokali biex jidħlu fis-swieq s’issa inaċċessibbli, speċjalment għall-SMEs ibbażati f’żoni remoti. Dan jista’ jagħti spinta sinifikanti għall-SMEs li jinvestu barra minn pajjiżhom – u fil-ħolqien tal-impjiegi lokali. Billi 99 % tan-nisġa ekonomika fl-UE hija magħmula mill-SMEs, li huma xprunaturi ewlenin tal-innovazzjoni, huma element kruċjali għaż-żamma u l-iżvilupp tas-sostenibbiltà, u joħolqu 70-80 % tal-impjiegi, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lilll-appoġġ ta’ dawn l-intrapriżi fi kwistjonijiet ta’ investiment, kif tagħmel bnadi oħra.

4.   Ftehimiet ta’ investiment awtonomi

4.1.

Iż-żewġ negozjati ta’ investiment “awtonomi” attwali tal-UE, maċ-Ċina u mal-Mjanmar, se jkunu differenti ħafna, għalkemm nifhmu li l-mandati bażiċi huma simili. L-Istati Membri kollha tal-UE (bl-eċċezzjoni tal-Irlanda) għandhom Trattati ta’ Investiment Bilaterali (BiTs) individwali maċ-Ċina; mal-Mjanmar l-ebda stat m’għandu trattat simili. Għaċ-Ċina, kwistjonijiet ta’ aċċess għas-suq ukoll jifformaw parti essenzjali tan-negozjati; mal-Mjanmar, dawn huma biss dwar il-protezzjoni tal-investitur. Wara perjodu twil ta’ iżolament, il-gvern tal-Mjanmar issa jrid jattira u jħeġġeġ investiment barrani.

4.2.

Iċ-Ċina u l-Mjanmar huma fuq estermi opposti f’termini ta’ żvilupp. Wieħed huwa superpotenza maġġuri, issa inkorporata fis-sistema kummerċjali dinjija, l-oħra bil-mod qed toħroġ minn għexieren ta’ snin ta’ iżolament impost u awtoimpost. Il-Mjanmar se jeħtieġ il-bini tal-kapaċità; iċ-Ċina le. Il-kummerċ totali tal-UE fi prodotti mal-Mjanmar fl-2013 kien ta’ EUR 533 miljun, maċ-Ċina kien ta’ EUR 428 biljun (u s-servizzi EUR 49,9 biljun oħra fl-2012) (14).

4.2.1.

Madankollu, fl-2012, l-investiment tal-UE dirett lejn iċ-Ċina ammonta biss għal EUR 15,5 biljun (EUR 5,3 biljun fl-2009), filwaqt li l-investiment taċ-Ċina fl-UE kien biss EUR 7,6 biljun (EUR 0,3 biljun fl-2009) (15) – jew madwar 2,6 % biss tal-investiment intern fl-UE dik is-sena. Dawn iċ-ċifri huma baxxi ħafna, u dan huwa enfasizzat mill-fatt li, meta mqabbel ma’ kważi 30 % fl-Istati Uniti, inqas minn 2 % tal-IDB tal-UE jmur lejn iċ-Ċina (għalkemm dan huwa madwar 20 % tal-ammont kollu ta’ IDB lejn iċ-Ċina). Min-naħa tagħha, iċ-Ċina tirrappreżenta inqas minn 0,7 % tal-IDB globali fl-UE (jista’ jkun hemm ukoll investiment indirett permezz ta’ Ħong Kong jew x’imkien ieħor), filwaqt li l-Istati Uniti tirrappreżenta sehem ta’ 21 %.

4.2.2.

Kull proċess ta’ negozjati dwar Ftehim ta’ Investiment se jkollu l-karatteristiċi partikolari tiegħu. Għall-Mjanmar, dawn se jkunu l-istabbiliment ta’ prinċipji u standards biex jinbena u jiġi mħeġġeġ l-investiment barrani; fir-rigward taċ-Ċina l-għan huwa li jintlaħaq ftehim iżjed ambizzjuż. F’kull każ, madankollu, proporzjon kbir tal-investiment li ġej wara se joriġina mis-settur privat, jew f’kollaborazzjoni mas-settur privat.

4.3.

Qasam ewlieni ta’ kompetenza għal dawk il-partijiet għal ftehim ta’ investiment ser ikun li jiġi faċilitat l-investiment permezz tal-provvediment ta’ infrastruttura meħtieġa u sostenibbli. Il-gvernijiet huma responsabbli biex jipprovdu bażi regolatorja soda għall-infrastruttura, kemm f’livell reġjonali, jew biex tkun żgurata distribuzzjoni effettiva u effiċjenti għall-enerġija, l-ilma u t-trasport, permezz ta’ ħidma effettiva u sistematika fil-prattika u fil-post. In-netwerks u l-grilji tal-enerġija u tal-ilma jeħtieġu disinn kumpless u jistgħu jeħtieġu xi għaxar snin jew iktar biex jidħlu kompletament fis-seħħ. L-ambjent regolatorju wkoll jeħtieġ li jiġi ppjanat fuq medda twila ta’ żmien. L-UNCTAD (16) tqis li mis-US $7 triljun meħtieġa għall-investiment matul il-ħajja tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, tal-inqas terz ser minnhom ser jiġu mis-settur privat – inkluż il-ħolqien ta’ bliet ġodda, u l-provvista ta’ skejjel, sptarijiet u toroq.

4.4.

Hawnhekk, l-iffaċilitar tas-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) se jkun essenzjali. Kwalunkwe ftehim ta’ investiment għandu jiżgura li l-ambjent regolatorju jippermetti investiment intern tal-akkwist tal-gvern u fis-sħubijiet, bl-appoġġ ta’ prevedibilità u sostenibilità fit-tul. Bl-istess mod, jeħtieġ li l-kumpaniji jippjanaw fit-tul, speċjalment jekk l-investimenti tagħhom se jirnexxu. Nuqqas fuq kull naħa m’huwa tajjeb għal ħadd. Atturi b’saħħithom tal-gvern u tas-settur privat iridu jiżviluppaw sinerġiji ġodda u jitgħallmu forom ġodda ta’ involviment. Hawnhekk ukoll għandu jaqdi rwol ewlieni l-kontribut tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari fil-livell tal-imsieħba soċjali.

4.5.

Benefiċċju ewlieni għaċ-Ċina minn Trattat bħal dan huwa li se jieħu post u jaġġorna l-BiTs kollha tas-27 Stat Membru fi ftehim wieħed. Aktar milli sempliċiment tikkonsolida dawn, l-UE (kie għamlet mal-Kanada) għandha timmira li tikseb ftehim ta’ standard għoli u ta’ ġenerazzjoni ġdida. Barra mill-aċċess għas-suq, dawn in-negozjati jkopru wkoll għadd ta’ kwistjonijiet usa’, inklużi l-akkwist pubbliku, il-politika tal-kompetizzjoni, ir-rwol tal-intrapriżi tal-istat (SOEs) u l-aċċess għal setturi li s’issa kienu magħluqa kif ukoll kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp sostenibbli.

4.5.1.

Huwa essenzjali li Ftehim ta’ Investiment bejn l-UE u ċ-Ċina jġib valur miżjud. Għandu joħloq djalogu politiku akbar, kif ukoll livell ogħla ta’ integrazzjoni u skambji teknoloġiċi.

4.5.2.

Il-Kumitat jinnota s-sensiela wiesgħa ta’ prinċipji ta’ investiment miftiehma bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-2012 (17). Dawn il-prinċipji jenfasizzaw l-importanza kritika tal-ħolqien u ż-żamma ta’ klimi u politiki ta’ investiment miftuħa u stabbli, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-ħolqien tal-impjieg, iżjed produttività, l-innovazzjoni teknoloġika u l-kompetittività.

4.6.

Madankollu, huwa ċar il-bżonn globali għal kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli f’kull ftehim ta’ investiment maċ-Ċina, speċjalment minħabba li domanda ewlenija fiċ-Ċina hija għal investiment ekoloġiku u sostenibbli. Ħafna mill-osservaturi jaraw bħala raġuni ewlenija wara l-interess taċ-Ċina fi ftehim bħal dan il-bżonn tagħhom għall-investiment u l-kompetenza teknika tal-UE sabiex jgħinu jespandu l-bliet eżistenti filwaqt li jiżguraw is-sostenibbiltà massima u biex jinbnew bliet sostenibbli ġodda fiċ-Ċina. Iċ-Ċina rat l-iżbalji jsiru mhux biss fid-dinja żviluppata, fejn l-“inner cities” saru jfissru telqa u traskuraġni, iżda wkoll minħabba l-espansjoni li nħolqot mit-tkabbir mgħaġġel ħafna, mhux ippjanat u mhux ikkontrollat tal-bliet, partikolarment f’ekonomiji li qed jiżviluppaw rapidament. It-tkabbir tal-urbanizzazzjoni fiċ-Ċina huwa esponenzjali: diġà aktar minn 50 % tal-popolazzjoni taċ-Ċina jgħixu fil-bliet – dan huwa livell li ħadd ma kien jobsor li jintlaħaq sa ftit snin ilu. Pereżempju, Shenzhen, belt li ma kinitx teżisti 40 sena ilu, żiedet b’erba’ darbiet il-popolazzjoni tagħha għal aktar minn 10 miljun ruħ fl-għaxar snin sal-2010. Iċ-Ċiniżi huma determinati li jevitaw kemm jista’ jkun l-iżvantaġġi li ħarġu fid-dieher f’postijiet oħra.

5.   Ir-rwol tal-iżvilupp sostenibbli fin-negozjati tal-investiment

5.1.

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni lejn l-element ta’ “żvilupp sostenibbli” fil-ftehimiet ta’ investiment. Kwalunkwe kapitolu speċifiku dwar l-iżvilupp sostenibbli ser ikun imsejjes fuq il-prinċipji stipulati fl-ewwel kapitolu li sar bħal dan, jiġifieri Kapitolu 13 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea tal-2010 (18), u kif ġie żviluppat sussegwentement fil-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika reċenti u fil-Ftehimiet mas-Singapor u mal-Kanada (għad iridu jiġu ratifikati). Se jkun meħtieġ ukoll adattament speċifiku għall-investiment, mhux l-inqas biex jinkludi enfasi fuq l-investiment responsabbli, aktar trasparenza, effiċjenza enerġetika, il-promozzjoni ta’ servizzi ambjentali u fatturi rilevanti oħra.

5.1.1.

Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir ukoll l-impenji meħuda kemm mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-Kunsill sabiex jiżguraw li l-politika ta’ investiment ma tipprekludix kwalunkwe aspett speċifiku tal-iżvilupp sostentibbli.

5.2.

L-Anness 13 tal-Ftehim bejn l-UE u l-Korea jagħmilha ċara li, sabiex jintlaħqu l-għanjiet tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli, il-partijiet għandhom jikkooperaw kemm fuq skambju ta’ fehmiet dwar “l-impatti pożittivi u negattivi” tal-ftehim kif ukoll jikkooperaw “fil-fora internazzjonali responsabbli għall-aspetti soċjali u ambjentali tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli”, inklużi d-WTO, l-ILO, l-UNEP u l-ftehimiet ambjentali multilaterali. Kwalunkwe aġġornament ta’ dan għandu jinkludi wkoll inizjattivi rilevanti riċenti tal-Bank Dinji, tal-FAO u oħrajn.

5.2.1.

L-Artikolu 13(4) ta’ dak il-Ftehim jagħmilha ċara li l-konvenzjonijiet soċjali ewlenin kollha (standards u ftehimiet multilaterali dwar ix-xogħol) huma koperti, u 13(5), il-ftehimiet ambjentali multilaterali. L-Artikolu 13(6) jirreferi speċifikament għall-IDB fi prodotti u servizzi ambjentali, fosthom teknoloġiji ambjentali, l-enerġija rinnovabbli sostenibbli, il-prodotti u s-servizzi li jużaw l-enerġija b’mod effiċjenti u prodotti bl-ekotikketta.

5.2.2.

Ta’ importanza kbira wkoll huma l-Artikoli 13(7), li jipprevjeni kwalunkwe dgħufija jew tnaqqis f’liġijiet biex jitħeġġeġ l-investiment, u l-Artikolu 13(9), li jindirizza t-trasparenza.

5.2.3.

Minkejja li kull ftehim innegozjat se jkollu l-marka speċifika tiegħu, huwa essenzjali approċċ konsistenti b’format faċilment rikonoxxibbli u aċċettabbli.

5.2.4.

Mekkaniżmu ta’ djalogu formali dwar l-iżvilupp sostenibbli, simili għal dak ipprovdut fil-Kapitolu 13/Anness 13 tal-Ftehim mal-Korea se jkun daqstant importanti bħal fi Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles sħiħ. Fil-każ tal-Mjanmar, il-kapaċità li tiġi diskussal-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet tal-ILO se tkun kritika: bejn l-1997 u l-2013 il-Mjanmar ġiet sospiża mill-iskema GSP/EBA minħabba ksur tal-prinċipji tal-konvenzjoni tal-ILO dwar ix-xogħol furzat.

5.2.5.

Fil-każ taċ-Ċina, kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli u forum ta’ diskussjoni speċifiku għandhom ifittxu li jibnu kemm fuq id-djalogu eżistenti bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-impjiegi u l-politika soċjali, kif ukoll id-Djalogu dwar il-Politika Ambjentali tal-UE u ċ-Ċina, li ilu jiżviluppa mill-2005, iżda l-aktar reċentement permezz tal-Istqarrija konġunta tal-2012 dwar id-Djalogu dwar il-Politika Ambjentali u t-Tkabbir Ekoloġiku. Dan għandu jkopri t-tniġġis tal-arja u tal-ilma, il-ġestjoni tal-iskart u l-forestrija.

5.2.6.

Kwalunkwe kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ li jħares mill-qrib lejn ir-rwol imsaħħaħ li jaqdi s-settur privat fl-investiment. L-obbligu tal-investitur se jkun fundamentali, ibbilanċjat minn forma kompletament adegwata ta’ protezzjoni tal-investitur. L-obbligi tal-investituri lejn ir-rekwiżiti ta’ żvilupp sostenibbli, inkluż l-investiment soċjalment responsabbli, jridu jitqiesu b’mod sħiħ hekk kif ikunu qed ifittxu li jibnu u jżommu l-kompetittività globali tagħhom. Xi wħud minnhom se jkollhom l-appoġġ tal-iżvilupp sostenibbli bħala l-għan primarju ta’ investiment tagħhom, iżda għal oħrajn din se tkun tanġenzjali. Il-partijiet tan-negozjati jeħtieġ li jiffaċilitaw l-investiment, iżda ma jistgħux jiddettaw x’tip ta’ investiment isir. Madankollu, strateġija tal-investiment effettiva tal-UE għandha rwol importanti x’taqdi fiż-żamma tal-kompetittività tal-UE fi żmien ta’ tibdil ekonomiku mgħaġġel u ċaqliq kbir fis-setgħa ekonomika relattiva madwar id-dinja, speċjalment l-investiment minn aktar kumpaniji speċjalisti u SMEs, li huma sorsi ewlenin ta’ innovazzjoni.

5.2.7.

L-Artikolu 13(6)(2) tal-Ftehim mal-Korea jirreferi għal kummerċ ġust u etiku fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti, kif ukoll għal skemi li jinvolvu r-responsabilità u l-kontabilità soċjali korporattiva. L-Anness 13 jipprovdi wkoll għal skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni fuq dawn il-punti, inkluż l-implimentazzjoni effikaċi u s-segwitu ta’ linji gwida miftiehma fuq livell internazzjonali. Il-Kumitat jirrakkomanda bil-qawwa li dan l-approċċ jiġi estiż għal ftehimiet ta’ investiment. Ir-rwol tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) fi kwalunkwe ftehim ta’ investiment se jkun ta’ importanza kritika.

5.2.8.

Mekkaniżmu bħal dan ikun ta’ valur kbir fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ CSR flimkien mal-imsieħba ta’ investiment tagħna. Huwa għandu jagħmel enfasi fuq is-sensittività kulturali, il-promozzjoni tat-trasparenza u approċċ etiku, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-inkorporazzjoni tal-preferenzi tal-konsumatur se ġġib benefiċċju ekonomiku kif ukoll, pereżempju, tippromovi enerġija iktar effiċjenti u iktar nadifa. Huma kruċjali s-sensibilizzazzjoni, l-iskambju ta’ prattika tajba u kollaborazzjoni kostruttiva bejn il-kumpaniji u l-partijiet interessati, flimkien mal-bini tal-kapaċità għall-SMEs, li fuqhom l-ispejjeż joħolqu piż sproporzjonat. L-investimenti Ċiniżi barra mill-pajjiż jistgħu jfallu wisq faċilment minħabba nuqqas ta’ fehim sħiħ ta’ dak li huwa meħtieġ minnhom. L-iffaċilitar ta’ rabta aktar mill-qrib bejn l-investituri, il-ħtiġijiet tas-soċjetà u għalhekk il-preferenzi tal-konsumatur ikun servizz utli għall-partijiet kollha.

5.2.9.

Il-Kummissjoni tiddefinixxi s-CSR bħala “ir-responsabbiltà tal-intrapriżi għall-impatt tagħhom fuq is-soċjetà”. Is-CSR hija immotivata min-negozju, li tikkonsisti minn inizjattivi volontarji lil hinn mir-rekwiżiti legali. Hija dwar il-ħolqien ta’ valur ġdid permezz tal-innovazzjoni. Is-CSR tkopri konsiderazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, billi tikkonsulta mal-partijiet interessati rilevanti kollha, iżda fuq kollox kwalunkwe approċċ għandu jkun flessibbli u diversifikat. Ma tistax tidħol f’oqfsa ta’ daqs wieħed: kull negozju għandu l-identità partikolari tiegħu. Il-prattiki tas-CSR għalhekk ivarjaw ħafna iżda meta jintużaw b’mod korrett huma għodda ta’ valur biex jinħolqu opportunitajiet ta’ negozju u biex jitjiebu l-kompetittività ta’ intrapriża.

5.2.10.

Hija mistennija dalwaqt Komunikazzjoni ġdida tal-Kummissjoni dwar is-CSR; il-linji gwida internazzjonali msemmija jinkludu l-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali (19) u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs), li jinsabu fil-proċess ta’ implimentazzjoni. Huwa importanti li kwalunkwe azzjoni fil-livell tal-UE jew dak internazzjonali ma tmurx kontra jew tfixxkel dawn. Huwa importanti wkoll li wieħed jiftakar li filwaqt li l-istati għandhom id-dmir li jipproteġu u jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-drittijiet tal-bniedem, ir-responsabilità tal-kumpaniji hija li jirrispettawhom.

6.   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili

6.1.

Is-soċjetà ċivili għandha rwol biex tressaq il-gvern u s-settur privat lejn xulxin, u li teżerċita kemm involviment kontinwu kif ukoll rwol ta’ monitoraġġ. Madankollu, il-kwistjoni tal-involviment dirett tas-soċjetà ċivili, inkluż il-monitoraġġ dirett ta’ kwalunkwe ftehim ta’ investiment, biż-żewġ partijiet interessati tal-istat u mhux tal-istat jipparteċipaw b’mod attiv, ser teħtieġ soluzzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi differenti bbażati fuq il-livelli eżistenti ta’ djalogu intersoċjali u l-fehim bejn il-gruppi soċjali differenti.

6.2.

Fil-Ftehim bejn l-UE u l-Korea hemm diversi mekkaniżmi għal djalogu bejn iż-żewġ partijiet. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili jirrapporta lill-Kumitat tal-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, li jinvolvi lill-gvernijiet taż-żewġ partijiet. Għal ftehimiet ta’ investiment huwa previst Kumitat wieħed biss bħal dan – jista’ ma jkunx dejjem adatt li jitqajmu kwistjonijiet ta’ investiment f’dan il-livell, speċjalment fejn parti waħda forsi ma tridx li din issir kwistjoni politika jew diplomatika. Jista’ jkun li jkollu jinstab mekkaniżmu ġdid għal Forum tas-Soċjetà Ċivili.

6.3.

F’pajjiżi bħaċ-Ċina jew il-Mjanmar, jeżistu perċezzjonijiet differenti ħafna u aktar magħluqa dwar is-soċjetà ċivili, u b’hekk il-prinċipju li jkunu involuti l-entitajiet tas-soċjetà ċivili fi kwalunkwe korp ta’ monitoraġġ se jeħtieġ ukoll iktar persważjoni. Iċ-Ċina adottat sħubijiet f’diversi pajjiżi Afrikani li jikkonċentraw fuq l-investiment biss bħala negozju, minflok bħala għajnuna għall-iżvilupp. Dawn il-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni li jeżistu mhumiex faċilment interskambjabbli ma’ dawk tal-UE, iżda kull tisħiħ tad-djalogu bejn kwalunkwe korp adatt għandu jkun żieda importanti ħafna għal ftehim. Min-naħa tagħha, l-UE għamlet id-djalogu soċjali u ċivili l-pedament tal-mudell soċjali tagħha billi tipprovdiha b’qafas istituzzjonali.

6.3.1.

Il-Kumitat għandu jiġi inkluż fit-tiftix ta’ soluzzjonijiet. Għalhekk nirrakkomandaw li għandha toffri l-aħjar alternattiva għall-ġejjieni estensjoni tal-prinċipju tar-Round Table UE-Ċina, li l-Kumitat u tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ċiniż huma rappreżentati b’mod ugwali fiha, jew għandu joffri l-aħjar triq ‘il quddiem mekkaniżmu ta’ djalogu ieħor imfassal apposta għaċ-ċirkostanzi soċjali rilevanti skont il-pajjiż.

6.3.2.

Alternattivament, triq ‘il quddiem tista’ tinsab bis-saħħa tal-esperjenza konsiderevoli tal-Kummissjoni fil-programmi ta’ bini ta’ kapaċità f’kwistjonijiet ta’ kummerċ u relatati mal-kummerċ. Pereżempju, programmi mal-ministeri ta’ pajjiżi terzi biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-implimentazzjoni tar-regoli tad-WTO kellhom komponent li jittratta s-soċjetà ċivika, inklużi Federazzjonijiet ta’ Min Iħaddem u Trejdjunjins, u dawn ħadmu flimkien mal-korpi tan-NU (pereżempju l-ILO, l-UNCTAD, l-UNIDO) fit-twassil ta’ programmi bħal dawn. Ir-rwol tal-imsieħba soċjali ukoll se jkun importanti, mhux l-inqas minħabba l-proporzjon kbir ta’ investiment globali li jinvolvi negozji u kumpaniji.

Brussell, id-19 ta’ Marzu 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Laqgħa AKP UE_Ottubru 2014_Dikjarazzjoni Finali-MT (2).

(2)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 144.

(3)  UNCTAD WIF Stqarrija għall-Istampa, Ġinevra, 14 ta’ Ottubru 2014.

(4)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 1.

(5)  Dawn il-kwistjonijiet jistgħu jkunu koperti b’mod aktar sħiħ permezz ta’ Rapport ta’ Informazzjoni tal-Kumitat fil-futur.

(6)  Linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, 2011.

(7)  Artikolu 206, TFUE.

(8)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn politika komprensiva ta’ investiment internazzjonali Ewropew COM(2010) 343.

(9)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 150.

(10)  COM(2006) 567 final, 4 ta’ Ottubru 2006, punt 3.1.iii.

(11)  ĠU C 211, 19.8.2008 p. 82.

(12)  Xi wħud jixtiequ jaraw negozjati sħaħ tal-FTA tal-UE maċ-Ċina.

(13)  2010 Impact of EU outward FDI, Copenhagen Economics.

(14)  Statistika tad-DĠ Kummerċ.

(15)  Ċifri tal-Kummissjoni.

(16)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 3.

(17)  http://trade.ec.europa.eu/doclib/html/149331.htm

(18)  ĠU L 127, 14.5.2011, p. 62.

(19)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 6.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

il-506 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-18 u d-19 ta' Marzu 2015

14.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa

(COM(2014) 903 final)

u “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013”

(COM(2015) 10 final – 2015/0009 (COD))

(2015/C 268/05)

Relatur:

is-Sur Michael SMYTH

Nhar id-19 ta’ Diċembru 2014, nhar it-28 ta’ Jannar 2015 u nhar it-3 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 172, 173, 175, 182 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa”

(COM(2014) 903 final)

u dwar

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013”

(COM(2015) 10 final – 2015/0009 (COD)).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-2 ta’ Marzu 2015.

Matul il-506 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Marzu 2015 (seduta tad-19 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’200 vot favur, 6 voti kontra u 11-il astensjoni.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u japprezza l-bidla fit-ton lil hinn mill-awsterità u l-konsolidazzjoni fiskali. Il-Kummissjoni issa tagħraf li hemm nuqqas ta’ investiment u domanda aggregata u li s-suq finanzjarju għadu ma jistax ikollu rwol sħiħ biex jagħti spinta lit-tkabbir.

1.2.

Il-Pjan ta’ Investiment huwa pass fid-direzzjoni t-tajba iżda hemm għadd ta’ mistoqsijiet serji dwar id-daqs tiegħu meta mqabbel mal-bżonnijiet ta’ investiment enormi tal-Ewropa, dwar il-livell għoli ta’ ingranaġġ mistenni, dwar il-fluss potenzjali ta’ proġetti ta’ investiment adatti, dwar l-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni biex jiġi attirat il-kapital privat minn ġewwa u minn barra l-Ewropa, dwar l-involviment tal-SMEs speċjalment għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar, u dwar l-għażla taż-żmien tal-Pjan.

1.3.

Hemm inċertezza dwar jekk tistax tiġi żviluppata sensiela ta’ proġetti li joffru redditi li jħajru investituri istituzzjonali. Il-KESE jinnota b dispjaċir li l-KE ma implimentatx il-prinċipji tar-Reglament tagħha stess (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (Artikolu 5), żviluppat aktar fir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 (2) fil-proposta attwali, u jirrakomanda bil-qawwa li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata jiġu involuti fil-proċess tat-teħid ta’ identifikazzjoni fil-livell nazzjonali. Dan in-nuqqas ta’ involviment tal-partijiet interessati fis-sjieda tal-proposti huwa evidenti fil-lista ta’ proġetti potenzjali ta’ Diċembru.

1.4.

Għandha tingħata attenzjoni akbar sabiex jinħoloq ambjent tan-negozju faverovoli u prevedibbli. Mingħajr il-kunfidenza tal-investituri, regolamentazzjoni aħjar u spejjeż adatti biex isir in-negozju fl-UE, ftit li xejn hemm tama li tal-inqas jerġa’ jkun hemm tkabbir moderat bl-impjiegi ġodda neċessarji.

1.5.

Il-Pjan jipproponi li l-kontribuzzjonijiet għall-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) mill-Istati Membri ma jiġux inklużi fil-kalkoli tad-defiċit tal-baġit u dan għandu jintlaqa’ tajjeb. Il-Kummissjoni għandha tispjega għalfejn l-infiq infrastrutturali pubbliku strateġiku kontinwu mhuwiex ittrattat bl-istess mod. X’inhi d-differenza bejn trattament baġitarju favorevoli tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri lejn investimenti produttivi taħt il-FEIS u Regola tad-Deheb proprja?

1.6.

Il-KESE jemmen li wasal iż-żmien li nirrikonoxxu li l-Ewropa għandha bżonn ta’ programm ta’ investiment pubbliku u privat sostanzjali sabiex jerġgħu jinkisbu t-tkabbir, l-impjiegi u l-prosperità. L-investiment pubbliku strateġiku kif hu previst fil-Pjan u li jirfed l-iżvilupp ekonomiku preżenti u futur għandu jiġi inċentivat permezz ta’ qafas fiskali Ewropew aktar pożittiv. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tniedi diskussjoni dwar it-tfassil ta’ regola fiskali adatta għall-Ewropa, b’għarfien sħiħ tal-għadd kbir ta’ diffikultajiet biex jingħataw definizzjonijiet u biex jitfassslu kondizzjonalitajiet adatti.

1.7.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-ILO dwar l-iffokar fuq l-attirar ta’ proġetti vijabbli mir-reġjuni bl-ogħla rati ta’ qgħad, bl-involviment attiv tal-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati nazzjonali. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu kkunsidrati l-istrateġiji makroreġjonali waqt l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta’ proġetti potenzjali.

2.   Kuntest

2.1.

Il-livell ta’ investiment fl-Ewropa naqas bi 15 % taħt l-ogħla livell fil-perjodu ta’ qabel il-kriżi. Fl-istess ħin insibu livelli għoljin ta’ rati tat-tfaddil madwar l-Ewropa; il-karti tal-bilanċ korporattivi fihom ħafna likwidità; l-investituri istituzzjonali għandhom ħafna flus filwaqt li l-baġits ta’ bosta Stati Membri jinsabu fil-limiti tagħhom jew qed jiċkienu.

2.2.

Dan il-livell baxx ta’ investiment huwa iktar u iktar inaċċettabbli meta l-ispiża tal-kapital kemm f’termini nominali kif ukoll f’termini reali jinsab fl-inqas livell. Jidher ċar li s-swieq li jlaqqgħu flimkien id-domanda għall-investiment u l-forniment ta’ finanzjament tal-investiment mhux qed jiffunzjonaw sew madwar l-Ewropa. Fil-komunità tal-investiment hemm nuqqas ta’ fiduċja fl-ambjent ekonomiku. L-inċertezza qed tolqot ħażin il-kunfidenza tan-negozju. It-tielet pilastru tal-Pjan għandu l-għan li jindirizza r-riforma regolatorja u jissimplifika l-qafas għall-investiment fl-Ewropa. Dan mhux se jintlaħaq faċilment.

2.3.

X’inhu l-qofol tal-pjan ta’ investiment għall-Ewropa? Il-pjan jinkludi tliet pilastri:

il-ħolqien ta’ Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi garantiti b’EUR 21 biljun mill-baġit tal-UE u riżervi tal-BEI li – skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni – jistgħu joffru ingranaġġ addizzjonali ta’ EUR 294 biljun bħala finanzi għall-investiment fuq tliet snin;

sensiela tal-investiment ta’ proġetti strateġiċi appoġġjati minn ċentru ta’ investiment speċjalizzat li jipprovdi assistenza teknika;

it-tneħħija tal-ostakli għall-investiment u titjib fir-reġim regolatorju.

2.4.

Il-FEIS huwa simili għal entità b’għan speċjali (Special Purpose Vehicle – SPV) stabbilita fi ħdan il-BEI sabiex tassumi investimenti b’riskju ogħla mill-bqija tal-bank u b’hekk tiġi assigurata l-klassifikazzjoni AAA tal-BEI. F’dan ir-rigward, il-FEIS huwa innovazzjoni. Dan jirrapreżenta wkoll tbegħid sinifikanti mit-twemmin li l-fondi mill-baġit tal-UE ser jintużaw bħala garanzija jew kontinġenza li ttaffi kontra telf potenzjali fuq l-investimenti tal-FEIS.

2.5.

F’termini ta’ effetti ta’ ingranaġġ, il-EUR 21 biljun bħala finanzjament inizjali se jippermettu lill-BEI biex isellef EUR 63 biljun bl-użu tal-mudell ta’ negozju normali tiegħu. Il-Kummissjoni tassumi li l-FEIS imbagħad ifittex investituri mis-settur privat u investituri oħrajn għal proġetti adatti, u dan għandu l-potenzjal li jillibera total ta’ EUR 315 biljun f’investiment kapitali. Il-qofol għal dan l-effett ta’ ingranaġġ huwa li l-FEIS jipprovdi protezzjoni tar-riskju lill-BEI li jippermetti lill-Bank biex jinvesti fi proġetti aktar riskjużi.

2.6.

Il-Kumitat jirrikonoxxi l-fatt li l-Kummissjoni tidentifika l-bżonn li jitneħħew l-ostakli għan-negozju. Ir-riżorsi finanzjarji ppjanati jirrappreżentaw biss id-differenza tal-investiment medju annwali minn rata ta’ investiment b’saħħitha, għaldaqstant investiment addizzjonali bħal dan ikun meħtieġ kull sena. Sabiex din l-inizjattiva tilħaq l-għan tagħha, l-ambjent tan-negozju għandu jkun aktar favorevoli, pereżempju:

Ir-regolamentazzjoni aħjar u ambjent regolatorju prevedibbli li jappoġġja t-teħid ta’ deċiżjonijiet fit-tul huma prekondizzjonijiet neċessarji;

L-ispejjeż biex isir in-negozju fl-Ewropa huma kbar wisq. Huwa importanti li jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija, fost fatturi oħrajn;

Sabiex l-UE tiġi stabbilita bħala post minn fejn in-negozji jkollhom l-aħjar aċċess għas-suq globali, għandha tiġi segwita politika ambizzjuża tal-UE dwar il-kummerċ.

3.   Kummenti dwar il-Pjan ta’ investiment għall-Ewropa

3.1.

Filwaqt li l-ewwel reazzjoni għall-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa kienet favorevoli, sussegwentement ġie kritikat ħafna. Xi kummentaturi kienu mingħajr dubju negattivi filwaqt li oħrajn laqgħuh għalkemm indikaw xi nuqqasijiet. Ħafna mill-kummenti negattivi joriġinaw min-nuqqas ta’ ftehim dwar il-kuntest attwali tal-Pjan. Idealment, pjan ta’ investiment komprensiv għall-Ewropea jkun xprunat minn proġetti strateġiċi ffinanzjat mill-pubbliku u mmirati li jsaħħu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.

3.2.

Kritika ewlenija għall-pjan hija li dan huwa żgħir wisq, meta mqabbel mal-iskala tan-nuqqas ta’ investiment fl-Ewropa. Permezz tal-Pjan huwa mistenni effett multiplikatur ta’ 1:15. Xi wħud jargumentaw li din l-iskala ta’ effett ta’ ingranaġġ mhijiex kredibbli (3). Il-Kummissjoni tistenna li l-EUR 21 biljun tal-bidu jkollhom effett ta’ ingranaġġ doppju, l-ewwel b’finanzjament ta’ bonds fis-settur privat biex jissaħħaħ id-daqs tal-FEIS u t-tieni meta proġetti jiġu appoġġjati minn kapital tal-FEIS li mbagħad jattira investiment privat addizzjonali. Ma hemm l-ebda dubju li l-effett multiplikatur mistenni huwa kbir ħafna iżda dan jaqa’ fil-firxa tal-effett ta’ ingranaġġ li fil-fatt inkiseb mill-BEI fil-passat. Minkejja n-natura aktar riskjuża tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEIS, il-fatt li l-Fond ser jinżamm fi ħdan il-BEI u jkun ġestit minnu għandu jiżgura li l-ingranaġġ finanzjarju jkun għoli.

3.3.

Għal proġetti akbar tal-infrastruttura u speċjalment għal proġetti transkonfinali l-perjodu ta’ introduzzjoni jista’ jkun diversi snin minħabba ostakoli politiċi, ambjentali, regolatorji jew xi kultant sempliċiment NIMBY-ism (4). Dawn l-ostakoli jqajmu żewġ kwistjonijiet oħra. L-ewwel nett, se jkun hemm għadd suffiċjenti ta’ proġetti kbar ta’ infrastruttura ppjanati li jkunu kemm strateġiċi kif ukoll attraenti għall-investituri? It-tieni nett, fuq tliet snin, investiment ta’ EUR 315 biljun jimplika madwar EUR 100 biljun fis-sena li huma 40 % ogħla mil-livelli tal-investiment attwali tal-UE u ma jidhirx li huwa vijabbli. Din il-kritika hija valida sa ċertu punt. Madwar 25 % (EUR 75 biljun) tal-finanzjament tal-FEIS se jkunu immirati lejn l-SMEs u l-kumpaniji ta’ daqs medju u għandhom jibdew joperaw pjuttost malajr. Il-bqija tal-investimenti tal-Fond se jitwarrbu għat-tipi ta’ proġetti deskritti fir-rapport tat-Task Force dwar l-Investiment fl-UE. Studju ta’ din il-lista komprensiva jissuġġerixxi li hemm potenzjal ta’ sett sostanzjali ta’ proġetti fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport, l-innovazzjoni u l-qasam diġitali li jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ tal-FEIS.

3.4.

Kritika ewlenija għall-Pjan ta’ Investiment hija li l-impatt tiegħu huwa fuq perjodu medju jew fit-tul meta dak li hu meħtieġ huwa programm ta’ investiment għall-perjodu qasir simili għall-Programm Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku matul ir-riċessjoni reċenti. Il-konsegwenzi baġitarji ta’ dan l-approċċ jistgħu jiġu mmaniġjati permezz ta’ qafas iktar flessibbli għall-kontijiet nazzjonali u din il-kwistjoni hija żviluppata aktar fit-taqsima 4 ta’ din l-opinjoni.

3.5.

Tqajmu wkoll mistoqsijiet dwar il-kapaċità tal-BEI li jiġġestixxi fond daqstant ambizzjuż. F’termini ta’ finanzjament għall-SMEs u l-impriżi ta’ daqs medju, speċjalment għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar, xi wħud jemmnu li mhux se jkun hemm biżżejjed riżorsi tal-persunal fi ħdan il-BEI biex ikollu kuntatt dirett mal-kumpaniji. Għalhekk se jkun hemm dipendenza akbar fuq banek kummerċjali fl-għażla tal-mikrointrapriżi, l-SMEs u kumpaniji ta’ daqs medju u biex jingħataw finanzjament relattivament irħis. Ir-riskju hawnhekk huwa li l-banek jagħżlu l-aktar klijenti kummerċjali favoriti tagħhom li xorta waħda jkunu se jingħataw finanzjament u dan jagħti lok għall-hekk imsejjaħ effett “deadweight”. Il-KESE jitlob li jittieħdu passi biex dan jiġi evitat. Dan jista’ jsir, fost oħrajn, b’konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs.

3.6.

Soluzzjoni waħda possibbli għal dan ir-riskju hija li l-Aġenziji tal-Iżvilupp Reġjonali u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju jingħataw rwol akbar fl-identifikazzjoni ta’ mikrointrapriżi, SMEs u kumpaniji ta’ daqs medju li għandhom jiġu appoġġjati mill-Fond. Dawn l-Aġenziji u assoċjazzjonijiet tipikament ikollhom għarfien aħjar, u jkunu aktar qrib tan-negozji, u jistgħu jagħtu kontribut effettiv għal valutazzjonijiet tar-riskju. Waqt li jirrikonoxxi li hemm xi kwistjonijiet ta’ periklu morali, il-KESE appella għal approċċ bħal dan fil-passat u jemmen li din tista’ tkun miżura effettiva fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment (5).

3.7.

Saru paralleli bejn il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u l-Inizjattiva għat-tkabbir li tnediet fl-2012 (6). L-Inizjattiva għat-tkabbir kienet tinkludi pakkett ta’ EUR 120 biljun ta’ fondi miġbura minn baġits riallokati, imma ftit li xejn ġie implimentat minnha. Din hija kritika valida u jirriżulta li l-introduzzjoni tal-Pjan għandha tkun kemm trasparenti kif ukoll kkomunikata sew. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjoni il-fatt li l-Pjan u l-FEIS se jiġu mmonitorjati mill-qrib mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-KESE għandu jaqdi wkoll ir-rwol tiegħu fl-iskrutinju tal-prestazzjoni tal-Pjan matul it-tliet snin li jmiss.

3.8.

Hija ħasra li l-Kummissjoni Ewropea m’għandhiex la r-riżorsi finanzjarji u lanqas l-appoġġ politiku biex talloka riżorsi addizzjonali sostanzjali sabiex tibda tniedi pjan ta’ investiment Ewropew komplet. Din ir-restrizzjoni baġitarja partikolari tidher li hija assolutament vinkolanti. F’sitwazzjoni fejn ma tantx hemm flus disponibbli fil-baġit tal-UE, dak li qed jiġi propost skont il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa huwa aħjar mix-xejn.

3.9.

Il-Kummissjoni tqis li l-Pjan jirrappreżenta addizzjonalità reali għal politiki strutturali oħra minħabba li l-FEIS ser jidħol fis-seħħ biss meta sorsi alternattivi ta’ finanzjament ma jkunux disponibbli. Barra minn hekk, qed jintqal li l-FEIS se jkun addizzjonali għal investimenti oħra tal-BEI minħabba li jista’ jindirizza riskju ogħla. Il-FEIS se jkun iktar flessibbli f’termini tal-istrumenti finanzjarji li juża. Dawn jistgħu jinkludu ekwità, kważi-ekwità, kapital ta’ riskju, il-finanzjament tad-dejn jew garanziji għat-titolizzazzjoni ta’ self. Il-FEIS se jopera f’kollaborazzjoni, fejn possibbli, ma’ banek promozzjonali nazzjonali. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li l-Pjan jiġi appoġġjat bit-twaqqif ta’ Fondi Ewropej tal-Investiment fuq terminu twil (ELTIF), flimkien ma’ azzjonijiet biex jinħolqu swieq u vetturi tat-titolizzazzjoni ġodda sabiex titwessa’ l-bażi ta’ finanzjament għal proġetti u SMEs. Dawn l-iżviluppi huma mixtieqa iżda kellhom iseħħu ħafna qabel.

3.10.

Il-Kummissjoni tipprevedi li l-Pjan ta’ Investiment jkun flessibbli biżżejjed f’termini tal-FEIS, sensiela ta’ proġetti u ċ-ċentru ta’ konsulenza dwar l-investiment, sabiex jippermetti li l-fażijiet ta’ investiment futuri jidħlu fis-seħħ fis-snin li ġejjin. Il-Pjan għandu struttura ta’ governanza stretta fi ħdan il-BEI. Kull proġett bl-appoġġ tal-FEIS irid jiġi approvat mill-bord tal-BEI kif mitlub mit-Trattat. Il-KESE jirrakkomanda li l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati jiġu involuti mill-qrib fil-proċess tal-għażla tal-proġetti ta’ investiment pubbliku fil-livell nazzjonali – format wieħed possibbli huwa li jintużaw il-Kumitati ta’ Monitoraġġ tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Nazzjonali.

3.11.

Il-FEIS ser ifittex li jippromovi l-proġetti b’riskju ogħla li jtejbu t-tkabbir, l-impjiegi u l-produttività. Għadu mhuwiex ċar jekk il-pjattaformi ta’ koinvestiment (li jinkludu l-FEIS, banek promozzjonali nazzjonali u istituzzjonijiet finanzjarji privati) hux ser ikunu attraenti biżżejjed għall-parteċipanti. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda strateġija proattiva favur il-kummerċjalizzazzjoni biex jiġu attirati investimenti privati billi tipprovdi aktar ċarezza dwar it-twaqqif tal-pjattaformi ta’ investiment u billi tagħti rwol liċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza Finanzjarja (EIAH) għall-promozzjoni tal-oppurtunitajet għall-investiment ġewwa u barra l-Ewropa. Il-kapaċità tal-Pjan biex jimmaniġġja r-riskju (EUR 21 biljun) hija pjuttost kbira. Għalkemm il-livelli ta’ riskju se jkunu ogħla taħt il-Pjan, huwa improbabbli ħafna li tiġi applikata l-garanzija kollha u ċertament mhux f’mument partikolari wieħed fiż-żmien.

3.12.

Il-Kummissjoni tistma li, jekk il-Pjan ta’ Investiment jilħaq għal kollox l-għan tiegħu ta’ investiment, se jinħolqu 1 sa 1,3 miljun impjieg addizzjonali matul it-tliet snin li ġejjin. Dan mhux ta’ min iwarrbu, anke fil-kuntest ta’ qgħad ta’ 25 miljun ruħ madwar l-UE. L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) reċentament ippubblikat l-istimi tagħha għall-ħolqien ta’ impjiegi taħt il-Pjan. Is-sejba prinċipali ta’ dan ir-rapport tal-ILO hija li, jekk tingħata kunsiderazzjoni bir-reqqa għat-tfassil tal-programm u l-allokazzjoni tiegħu, jinħolqu aktar minn 2,1 miljun impjieg ġdid sa nofs l-2018. Pereżempju jekk il-finanzjament taħt il-FEIS jiġu allokati b’mod li jiġu kkunsidrati l-livelli tal-qgħad, dan iwassal għall-ogħla u l-aktar żieda ekwitabbli fl-impjiegi (7). Il-KESE jappella biex meta tittieħed deċiżjoni dwar proġetti potenzjali jitqiesu l-prijoritajiet tal-istrateġiji makroreġjonali. Għalhekk jidher ċar li l-kriterji li jridu jintużaw biex jintgħażlu proġetti li jiġu appoġġjati taħt il-Pjan għandhom isiru pubbliċi malajr kemm jista’ jkun.

3.13.

Jekk il-Pjan ta’ Investiment jirnexxilu jattira kapital addizzjonali għall-FEIS mill-Istati Membri il-Kummissjoni se tqis b’mod favorevoli dawn il-kontribuzzjonijiet fil-valutazzjonijiet tagħha tal-kriterji tad-dejn u d-defiċit skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Milli jidher dan pjuttost jirrappreżenta bidla fl-attitudni tal-Kummissjoni iżda dan mhux biżżejjed. Il-KESE jiddikjara li jinsab lest biex jipparteċipa b’mod attiv f’diskussjoni ulterjuri dwar kif għandhom jiġu promossi investimenti aħjar madwar l-Ewropa, inkluż billi tingħata flessibilità akbar taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tesplora l-opportunitajiet li jinħoloq ambjent fiskali favorevoli għall-investimenti fl-Ewropa.

4.   Wasal iż-żmien għal Regola tad-Deheb ġdida għall-Ewropa?

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta li l-kontribuzzjonijiet għall-FEIS mill-Istati Membri ma jiġux inklużi fil-kalkoli tad-defiċit baġitarju. Madankollu dan iqajjem il-mistoqsija għalfejn l-infiq infrstrutturali pubbliku strateġiku li għaddej bħalissa mhuwiex trattat bl-istess mod. X’inhi d-differenza bejn trattament baġitarju favorevoli tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri lejn investimenti produttivi taħt il-FEIS u Regola tad-Deheb proprja?

4.2.

Dawk li jipproponu regola tad-deheb Ewropea jargumentaw li hemm inkonsistenza kbira hawnhekk. Taħt il-qafas tal-politika fiskali Ewropew attwali, l-inċentivi avversi ħolqu nuqqas ta’ investiment pubbliku. B’mod ġenerali l-investiment pubbliku jżid l-istokk tal-kapital pubbliku u jiġġenera t-tkabbir għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Minn dan jirriżulta li l-ġenerazzjonijiet futuri għandhom jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ dawk l-investimenti għax jekk nonqsu li nippermettu finanzjament ta’ dejn ta’ ġenerazzjonijiet futuri jinħoloq piż tat-taxxa sproporzjonat fuq il-ġenerazzjoni preżenti u dan iwassal għal nuqqas ta’ investiment (8). Dan qed jiġri bħalissa fl-Ewropa.

4.3.

Jista’ jitressaq l-argument li ż-żieda fil-flessibiltà fil-każ tal-investimenti taħt l-FEIS hija fil-fatt regola tad-deheb fuq skala żgħira. Il-kwistjoni ta’ regola fiskali Ewropea mfassla tajjeb għandha tiġi diskussa b’għarfien sħiħ dwar l-għadd kbir ta’ diffikultajiet fid-definizzjonijiet. Għandha ssir ukoll diskussjoni dwar l-identifikazzjoni ta’ kondizzjonalitajiet adatti. Il-KESE jemmen li wasal iż-żmien li nirrikonoxxu li l-Ewropa għandha bżonn ta’ programm ta’ investiment pubbliku u privat sostanzjali sabiex jerġgħu jinkisbu t-tkabbir, l-impjiegi u l-prosperità. L-investiment pubbliku u privat strateġiku kif hu previst fil-Pjan u li jirfed l-iżvilupp ekonomiku preżenti u futur għandu jiġi inċentivat permezz ta’ qafas fiskali Ewropew aktar pożittiv.

Brussell, id-19 ta’ Marzu 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)  ĠU L 74, 14.3.2014, p. 1.

(3)  Ara pereżempju: Europe’s Great Alchemist, The Economist, id-29 ta' Novembru 2014; Daniel Gros, The Juncker Plan: From €21 to €315 billion, through smoke and mirrors, CEPS, 27. Novembru 2014.

(4)  NIMBY huwa akronimu għal “Not In My Back Yard”

(5)  Ara pereżempju l-Opinjoni tal-KESE dwar Il-fondi għan-negozju: investigazzjoni dwar mekkaniżmi ta’ provvista alternattivi, (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 20).

(6)  CEPS, Novembru 2014, paġna 2.

(7)  “An Employment Oriented Investment Strategy for Europe”, ILO, Jannar 2015.

(8)  Għal analiżi bir-reqqa tal-litteratura u l-modalitajiet dwar ir-Regola tad-Deheb, ara Implementing the Golden Rule for Public Investment in Europe minn Achim Truger. http://blog.arbeit-wirtschaft.at/wp-content/uploads/2015/03/Endfassung.pdf, f’Materialien zu Wirtschaft und Gesellschaft Nr. 138, Dokument ta’ ħidma AK-Wien.


14.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rieżami tal-governanza ekonomika – Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1173/2011, 1174/2011, 1175/2011, 1176/2011, 1177/2011, 472/2013 u 473/2013”

(COM(2014) 905 final)

(2015/C 268/06)

Relatur:

is-Sur David CROUGHAN

Korelatur:

is-Sur Carmelo CEDRONE

Nhar id-19 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rieżami tal-governanza ekonomika – Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1173/2011, 1174/2011, 1175/2011, 1176/2011, 1177/2011, 472/2013 u 473/2013”

(COM(2014) 905 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Marzu 2015.

Matul il-506 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Marzu 2015 (seduta tad-19 ta’ Marzu 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’165 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Ir-regoli ta’ governanza ekonomika Ewropea, li nħolqu fil-kriżi, qdew rwol importanti fil-konsolidazzjoni fiskali, il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u bl-introduzzjoni ta’ abbozz ta’ valutazzjoni baġitarja mexxew ‘il quddiem ukoll l-integrazzjoni fiskali. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb li l-ispiża kienet għolja wisq f’termini ta’ tkabbir u impjiegi, u li l-Unjoni Ewropea, meta mqabbla mal-bqija tal-ekonomiji avvanzati, baqgħet lura fil-ħruġ mill-kriżi attwali, li juri fallimenti fil-politiki u dan l-aktar minħabba n-natura mhux kompluta tal-governanza ekonomika tagħha f’unjoni ekonomika u monetarja.

1.2.

Il-miżuri stabbiliti fil-qafas tas-Semestru Ewropew bdew il-proċess ta’ konsolidazzjoni fiskali u l-bini tal-kredibbiltà, iżda l-approċċ ibbażat fuq ir-regoli, filwaqt li huwa adatt għal żminijiet normali, issa sar parti mill-problema. L-Istati Membri li jinsabu f’diffikultà jeħtieġu aktar riżorsi biex joħorġu mit-triq magħluqa tar-reċessjoni u jiggarantixxu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, u permezz tat-tkabbir, konsolidazzjoni fiskali sostenibbli.

1.3.

Il-KESE jikkunsidra li l-Bank Ċentrali Ewropew ma jistax jitħalla jitqabad mar-riċessjoni attwali fiż-żona tal-euro waħdu. Il-miżuri tal-QE, li issa qed jieħu wkoll il-BĊE jeħtieġ li jiġu akkumpanjati minn inizjattivi ta’ politika akbar fl-Istati Membri u li jmorru lil hinn mill-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa mħabbar mill-Kummissjoni.

1.4.

Id-differenzi fil-kompetittività relattiva tal-Istati Membri f’Unjoni Ekonomika u Monetarja, li preċedentement kienu jiġu ekwilibrati permezz ta’ aġġustamenti ‘l fuq u ‘l isfel tal-munita, ma jistgħux sempliċiment jiġu indirizzati billi jitħeġġu, taħt il-piena tal-penali, rakkomandazzjonijiet u riformi fost dawk li huma meqjusa mhux kompetittivi biss.

1.5.

Għandhom jinħolqu b’mod urġenti mekkaniżmi u strumenti konkreti mfassla għal koordinazzjoni tajba tal-politika ekonomika li twassal għal konverġenza u solidarjetà. Dan il-proċess m’għandux jinvolvi bidla fit-Trattat fl-ewwel istanza iżda l-KESE huwa tal-fehma li fit-tul ser ikun hemm bżonn ta’ bidla fit-Trattat.

1.6.

Fir-reviżjoni tal-QFP fl-2016, hemm bżonn li jingħataw appoġġ ir-riformi strutturali urġenti b’interess komuni tal-UE, inkluż l-ibbilanċjar makroekonomiku, b’xi forma ta’ kapaċità fiskali bħall-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività propost fil-Pjan ta’ Azzjoni.

1.7.

Il-KESE huwa mħasseb li l-bilanċ strutturali, li huwa varjabbli mhux osservabbli bbażat fuq kalkoli teoretiċi u kontestati ta’ differenza fil-produzzjoni, u li huwa suxxettibbli għal reviżjonijiet serji, għandu rwol ewlieni fil-kompitu preventiv u korrettiv tal-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv.

1.8.

Fil-proċess tas-Semestru, it-tnaqqis tad-defiċit annwali tal-gvern jingħata iktar piż bħala rimedju quddiem għall-proporzjoni ta’ dejn għoli/PDG minn aktar miżuri siewja li jżidu t-tkabbir fil-PDG. Il-Kummissjoni m’għandhiex tissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż biss iżda twettaq ukoll analiżi ex-post tar-rakkomandazzjonijiet tagħha fil-kisba ta’ żieda fl-output u t-tkabbir tal-Istat Membru inkwistjoni kif ukoll toħloq impjiegi ta’ kwalità.

1.9.

Il-Kumitat jilqa’ l-enfasi li tqiegħdet fuq l-użu tal-flessibbiltà fir-regoli tal-PST, fejn il-Kummissjoni ser tqis ċerti investimenti pubbliċi meta tikkalkula d-defiċit fiskali, iżda jqis li din hija miżura limitata u parzjali. Devjazzjoni raġonevoli mill-parametru ta’ 3 % għandha titqies bħala eċċezzjoni temporanja għal ċertu numru ta’ snin u ma tkunx awtomatikament soġġetta għal sanzjonijiet.

1.10.

Id-defiċit demokratiku ta’ korpi mhux eletti li jkollhom vuċi importanti fil-governanza għandu r-riskju li joħloq nuqqas ta’ sjieda tar-rakkomandazzjonijiet u ostilità għall-proġett Ewropew. In-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jista’ jiġi miġġieled bl-involviment ġenwin tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fit-tfassil tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

1.11.

Il-PE għandu jaqdi rwol b’saħħtu fit-twaqqif tal-prijoritajiet ekonomiċi ta’ kull semestru u fis-sorveljanza parlamentari tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jirreklamaw il-proċess tas-Semestru b’mod iktar mifrux sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jifhmuh aħjar.

2.   Ir-Rieżami tal-governanza ekonomika fil-qosor

2.1.

Is-Semestru Ewropew, li ġie introdott fl- 2011, kien appoġġjat mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) imsaħħaħ, li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2011, b’sett ġdid ta’ regoli għall-ekonomija u s-sorveljanza fiskali, li kien jikkonsisti f’ħames regolamenti u direttiva waħda – flimkien magħrufa bħala s-“six-pack”. Fit-30 ta’ Mejju 2013 żdiedu żewġ regolamenti magħrufa bħala t-“Two-pack” biex ikomplu jtejbu l-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro. Din ir-reviżjoni tikkonċerna l-effettività tas-seba’ regolamenti u d-direzzjoni tal-iżviluppi fil-ġejjieni. Hija tindirizza b’mod ġenerali tliet elementi tal-governanza fiskali fil-livell tal-UE: is-sorveljanza fiskali (1), l-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u l-moniitoraġġ u s-sorveljanza tal-pajjiżi taż-żona tal-euro li jesperjenzaw diffikultajiet fl-istabbiltà finanzjarja (3).

3.   Kummenti dwar il-governanza ekonomika eżistenti

3.1.   Sorveljanza fiskali

3.1.1.

Il-Kumitat jilqa’ l-enfasi tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015, ippubblikat flimkien mar-Rieżami tal-Governanza Ekonomika, fuq Semestru simplifikat u msaħħaħ billi jiġu simplifikati l-istadji varji u r-riżultati tagħhom kif titlob l-opinjoni tal-KESE dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014 (4).

3.1.2.

Il-KESE jemmen li s-Semestru jaqdi rwol indispensabbli fil-proċess ta’ konverġenza u aġġustament. Il-Kumitat talab ukoll għat-tnedija ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni u simplifikazzjoni fi sforz konġunt bejn il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili (5).

3.1.3.

Il-Kumitat jilqa’ l-avvanz fl-integrazzjoni fiskali li ġabet magħha l-introduzzjoni ta’ aġenda komuni għall-Istati Membri, li titlob li jressqu u jippubblikaw abbozzi ta’ pjani baġitarji, sorveljati minn korpi indipendenti nazzjonali, sa nofs Ottubru ta’ kull sena, sabiex il-Kummissjoni tressaq il-kummenti tagħha qabel l-adozzjoni finali mill-gvernijiet tal-Istati Membri. Il-proċess għandu jsir wieħed iktar demokratiku u trasparenti filwaqt li jiġi reklamat b’mod iktar mifrux mill-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jifhmuh aħjar. Il-Kumitat jilqa’ valutazzjoni mill-Kummissjoni tar-rwol u l-kwalità ta’ korpi nazzjonali indipendenti.

3.1.4.

Il-Kumitat jinnota fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-baġit tal-2015 li t-tnaqqis fl-isforz fiskali fl-2015 ser jirriżulta f’qagħda pjuttost newtrali fiż-żona tal-euro. Huwa jinnota wkoll li mis-seba’ pajjiżi li joħolqu riskju ta’ nuqqas ta’ konformità, tlieta kapaċi jiffaċċjaw ċertu passi tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv f’Marzu. Din il-proċedura tkun teħtieġ ukoll aktar trasparenza, konsultazzjoni mal-gvernijiet nazzjonali u s-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali, u sorveljanza mill-Parlament Ewropew.

3.1.5.

Fil-perijodu qasir ta’ reviżjoni, il-Kumitat jemmen li r-regoli fiskali riformati tal-UE skont ir-regolamenti rilevanti dwar is-sorveljanza fiskali, mingħajr l-ebda dubju kellhom rwol fl-indirizzar tal-konsolidazzjoni fiskali kif juri d-defiċit tal-UE-28 li niżel minn 4,5 % tal-PDG fl-2011 għal 3 % fl-2014.

3.1.6.

L-ispiża, madankollu, kienet għolja għas-suċċess veru limitat li kellha u li jindika l-fallimenti fil-politika tal-UE fejn jidħol kontribut fit-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Mill-banda l-oħra, fl-istess perjodu, id-defiċit tal-Istati Uniti niżel minn 10,6 % għal 4,9 %; it-tkabbir tal-PDG tal-Istati Uniti aċċellera minn 1,6 % għal 2,4 % (fl-UE niżel minn 1,7 % għal 1,3 %); il-qgħad fl-Istati Uniti naqas minn 8,9 % għal 6,2 % (fl-UE żdied minn 9,6 % għal 10,2 %) u b’mod partikolari fl-Istati Uniti l-okkupazzjoni żdiedet b’6,3 % filwaqt li fl-UE stagnat għal - 0,1 %.

3.1.7.

Il-KESE huwa ferm inqas ottimist mill-Kummissjoni li l-miri tad-defiċit strutturali skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv jippermettu pariri ta’ politika aktar preċiżi u trasparenti. Filwaqt li l-Kumitat jirrikonoxxi li din il-miżura, billi hija mneżża’ mid-distorsjoni taċ-ċiklu ekonomiku u miżuri fiskali ta’ darba, toffri l-opportunità ta’ stampa aktar trasparenti, hija madankollu sservi ta’ varjabbli mhux osservabbli bbażat fuq kalkoli teoretiċi u kontestati ta’ differenzi potenzjali fil-produzzjoni, u hija suxxettibbli għal reviżjonijiet sostanzjali, u f’xi każijiet tista’ twassal għal deċiżjonijiet ta’ politika foqra.

3.1.8.

Il-proporzjon ta’ dejn/PDG huwa element importanti ta’ sostenibbiltà fiskali. Dan għandu żewġ komponenti: l-ammont ta’ dejn u d-daqs tal-PDG, li ma jistgħux isegwu mingħajr kunsiderazzjoni tal-impatt fuq xulxin. Approċċ li jikkonċentra fuq tnaqqis mgħaġġel iżżejjed fid-defiċit bil-għan li jkompli jonqos l-ammont ta’ dejn jista’, jekk jirriżulta fi staġnar jew tnaqqis tal-PDG, ikollu effett kontroproduttiv f’termini tal-għan li jitnaqqas il-proporzjon ta’ dejn/PDG.

3.1.9.

Il-Kumitat jilqa’ l-enfasi li tpoġġiet fuq l-użu ta’ flessibbiltà fi ħdan ir-regoli tal-PST, fejn il-Kummissjoni (hi u teżamina kemm hi tajba l-qagħda baġitarja ta’ Stat Membru) ser tqis: a) l-investimenti pubbliċi fil-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa; b) l-investimenti assoċjati ma’ kofinanzjament taħt il-fondi strutturali; c) riformi li jkollhom impatt fit-tul fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi; u d) kundizzjonijiet ċikliċi (6). Fil-fehma tal-KESE, madankollu, dan jirrappreżenta miżura limitata u parzjali.

3.1.10.

Il-KESE jwissi li minkejja xi impenn imsaħħaħ mal-PE u żieda fl-impenn mal-parlamenti nazzjonali permezz ta’ missjonijiet fuq il-post u sorveljanza tal-abbozzi tal-baġits fiż-żona tal-euro, l-iżbilanċ demokratiku jibqa’ fil-qalba tal-proċess b’istituzzjonijiet bi kważi l-ebda responsabbiltà li għandhom influwenza sinifikanti fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali.

3.1.11.

Nuqqas ta’ kontribut (jiġifieri l-ebda involviment nazzjonali reali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet) li ma jkunx ibbilanċjat b’kontribut tajjeb (jiġifieri soluzzjonijiet tajba tal-problemi ekonomiċi) jirriżulta f’sjieda mingħajr ħeġġa tal-programmi ekonomiċi u ostilità dejjem ikbar għall-proġett Ewropew kif urew l-elezzjonijiet Ewropej (7).

3.1.12.

Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjonijiet ex-post mhux biss tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tagħha fl-Istati Membri, iżda anki ta’ jekk dawn għamlux promozzjoni effettiva tar-ritorn tal-ekonomija lejn triq sostenibbli, mhux f’termini ta’ aġġustamenti finanzjarji u baġitarji biss iżda anki f’termini ta’ tkabbir ekonomiku, żvilupp u ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità.

3.2.   Proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku

3.2.1.

Il-Kumitat jirrikonoxxi u jappoġġja l-ħtieġa ta’ proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku (MIP) għaliex sorveljanza ta’ varjabbli mhux baġitarji ewlenin tista’ tidentifika tendenzi ħżiena qabel ma jiġu stabbiliti. Il-kriżi indikat sew il-falliment tal-PST li jsegwi biss il-bilanċi fiskali, filwaqt li jinjora jew jindirizza b’mod marġinali, il-kwistjonijiet tal-iżvilupp u l-impjiegi.

3.2.2.

Il-PE għandu jaqdi rwol b’saħħtu fit-twaqqif tal-prijoritajiet ekonomiċi ta’ kull semestru u fis-sorveljanza parlamentari tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (8).

3.2.3.

Ta’ tħassib kbir għall-Kumitat huwa approċċ unilaterali għall-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Il-problema titqies bħala waħda kompletament nazzjonali u l-enfasi qiegħda kważi kollha fuq il-korrezzjoni tal-iżbilanċi dannużi u viżjoni pożittiva tal-bilanċi favorevoli. Sabiex dawn jiġu indirizzati tajjeb, hemm bżonn valutazzjoni tal-iżbilanċi u l-impatt mifrux tagħhom fuq l-ekonomija tal-Ewropa kollha.

3.2.4.

Biex jiġi żgurat li l-MIP u b’hekk ukoll il-proġett Ewropa 2020 ma jkunux il-falliment li kienet l-Aġenda ta’ Lisbona, il-Kummissjoni jeħtieġ li tinvestiga metodu aħjar ta’ evalwazzjoni tal-kwalità tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u tkun lesta li qabel ma tirrikorri għall-aħħar għażla tas-sanzjonijiet, twettaq segwitu tal-proċess u tipprovdi inċentivi għall-Istati Membri (flessibbiltà, regoli tad-deheb).

3.2.5.

B’kuntrast mas-sorveljanza baġitarja, li tipikament ikollha riżultati li jitkejlu faċilment u fuq perjodu qasir, ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika li jiffurmaw parti sinifikanti tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jirreferu għal politiki u riżultati iktar flessibbli bħall-kompetittività, jew diversi aspetti tal-ambjent tan-negozju jew riformi tas-sistema soċjali, fejn il-livell ta’ implimentazzjoni jew ta’ impatt jista’ jkun diffiċli biex jitkejjel.

3.2.6.

Fir-reviżjoni tal-QFP fl-2016 hemm bżonn li jingħataw appoġġ lir-riformi strutturali urġenti b’interess Ewropew komuni inkluż l-ibbilanċjar makroekonomiku ġdid b’xi forma ta’ kapaċità fiskali. Il-KESE jħeħħeġ li jiġu kkunsidrati dawn l-istrumenti possibbli: l-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività sabiex l-ekonomiji taħt pressjoni jkunu jistgħu jimplimentaw riformi strutturali urġenti ta’ interess komuni Ewropew elenkati fis-sitt paġni tal-Pjan ta’ azzjoni għal UEM profonda u ġenwina (9); kunsiderazzjoni ġdida tal-Green Paper dwar il-Bonds ta’ Stabbiltà li ntalbet fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011, li qed jiġi rivedut f’din l-opinjoni u xi forma ta’ skema ta’ assigurazzjoni soċjali minima għall-ekonomiji taħt pressjoni.

3.2.7.

Il-Kummissjoni tgħid li reviżjonijiet profondi huma l-qalba tal-MIP u li r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tagħhom jispiċċaw fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Il-KESE jappoġġja din il-prattika, li għandha l-potenzjal li tipproduċi analiżi iktar profonda peress li tinvolvi missjonijiet fuq il-post, li jżidu ħafna fl-għarfien tal-ekonomija taħt reviżjoni, u għandha wkoll il-valur miżjud tal-uffiċjali tal-Kummissjoni u l-uffiċjali tal-finanzi nazzjonali li jistabbilixxu relazzjonijiet ta’ ħidma utli.

3.2.8.

Billi r-riformi taħt l-MIP huma ta’ benefiċċju iktar fit-tul, hemm tħassib li l-gvernijiet nazzjonali ma jqisuhomx bħala prijorità u li l-implimentazzjoni tagħhom tibqa’ biss wegħda fix-xejn. Parti kruċjali tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż biex jikkoreġu l-iżbilanċi għandha tiffoka fuq it-tlestija tas-suq intern.

3.2.9.

Il-parteċipazzjoni ġenwina tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali f’dan il-qasam tas-Semestru Ewropew tkun mod importanti ta’ kif tiġi żgurata l-konformità u kif jissaħħu l-profil politiku u s-sjieda fil-livell nazzjonali tagħha.

3.2.10.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-lezzjonijiet dwar kif il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jinteraġixxu bl-aħjar mod, jistgħu jittieħdu mill-esperjenza tal-pajjiżi ta’ aġġustament, fejn twettqet sorveljanza kontinwa u profonda.

3.2.11.

Dokument ta’ ħidma tal-ECFIN jissuġġerixxi li fuq perjodu ta’ sentejn, 2012-2013, ġew implimentati 41 % (perċentwal xejn impressjonanti) tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u li kien hemm deterjorament żgħir bejn is-snin (10), li jista’ jkun sinjal ta’ twissija. Għandna bżonn valutazzjoni tar-raġunijiet għad-distakk eżistenti bejn ir-rakkomandazzjonijiet u l-implimentazzjoni tagħhom.

3.2.12.

Il-KESE jwissi li l-approċċ tat-tabella ta’ valutazzjoni, li huwa approċċ rigressiv u għodda ewlenija ta’ ġustifikazzjoni tar-reviżjonijiet fil-fond, mhux neċessarjament jidentifika l-akkumulazzjoni ta’ żbilanċi tal-istokkijiet li jistgħu jwasslu għal kriżi futura. Għalhekk, hemm il-periklu li dawk li jfasslu l-politika ma jiġux pprovduti b’bażi solida biex jieħdu azzjoni effettiva (11) u jista’ jkun li jisfaw imfixkla minn fokus politiku iktar kruċjali.

3.3.   Il-pajjiżi taż-żona tal-euro f’diffikultajiet ta’ stabbiltà finanzjarja

3.3.1.

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ appoġġ, permezz ta’ sorveljanza ffukata, għal pajjiżi li 1) jesperjenzaw jew huma mhedda minn diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom jew is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħhom jew 2) jitolbu jew jirċievu assistenza finanzjarja minn istituzzjonijiet tal-UE, Stati Membri oħra jew mill-FMI.

3.3.2.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ li fil-każ li dawn jidħlu fi programm ta’ aġġustament makroekonomiku, l-obbligi l-oħra kollha, inkluż is-Semestru Ewropew, huma sospiżi u li dawn l-Istati Membri huma soġġetti għal proċess kontinwu ta’ sorveljanza wara l-programm.

3.3.3.

Il-proċess li jkopri l-perjodu li fih Stat Membru jfittex li japplika għal assistenza finanzjarja għadu ma ġiex valutat billi dan ir-Regolament daħal fis-seħħ wara li l-erba’ pajjiżi tal-programm kien diġà daħlu fi programm ta’ aġġustament.

3.3.4.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika studju dwar ir-riżultati tal-programmi ta’ aġġustament fl-erba’ pajjiżi, b’mod partikolari biex jiġi evalwat jekk ir-riżultat inqas pożittivi f’wieħed minnhom setax jiġi mitigat permezz ta’ approċċ differenti mill-Kummissjoni.

4.   Bżonn ta’ viżjoni iktar profonda għall-governanza tal-UEM

4.1.

L-UE hija waħda mill-akbar u l-aktar blokok ekonomiċi prosperi fid-dinja li s’issa ssopravivew fuq sistema ta’ governanza ekonomika li ma tiffunzjonax tajjeb u li tirriżulta mid-deċiżjoni li tinħoloq unjoni ekonomika u monetarja b’munita unika u politika monetarja unika filwaqt li fl-istess ħin jinżammu politiki fiskali u ekonomiċi nazzjonali.

4.2.

Il-KESE jikkunsidra li l-Bank Ċentrali Ewropew ma jistax jitħalla jitqabad mar-riċessjoni attwali fiż-żona tal-euro waħdu. Il-miżuri tal-QE, li issa qed jieħu wkoll il-BĊE jeħtieġ li jiġu akkumpanjati minn inizjattivi ta’ politika akbar fl-Istati Membri. Il-pjan ta’ investiment għall-Ewropa li ħabbret il-Kummissjoni huwa pass neċessarju iżda insuffiċjenti fid-direzzjoni t-tajba. Mingħajr aktar integrazzjoni fiskali, l-approċċ nazzjonali lejn il-koordinazzjoni ekonomika fis-Semestru Ewropew ma jippermettix liż-żona tal-euro li ssegwi pożizzjoni fiskali xierqa.

4.3.

Il-kriżi kixfet difetti kbar li huma theddida eżistenzjali għall-euro. Hija imponiet riformi maġġuri fil-governanza ekonomika, li tfasslu u twaqqfu malajr permezz ta’ trattati intergovernattivi minflok bil-metodu Komunitarju. Id-differenzi fil-kompetittività relattiva tal-Istati Membri f’Unjoni Ekonomika u Monetarja, li preċedentement kienu jiġu ekwilibrati permezz ta’ aġġustamenti ‘l fuq u ‘l isfel tal-munita, ma jistgħux sempliċiment jiġu indirizzati billi jitħeġġu, taħt il-piena tal-penali, rakkomandazzjonijiet u riformi fost dawk li huma meqjusa mhux kompetittivi biss.

4.4.

Il-miżuri stabbiliti fil-qafas tas-Semestru Ewropew bdew il-proċess ta’ konsolidazzjoni fiskali u l-bini tal-kredibbiltà, iżda l-approċċ ibbażat fuq ir-regoli, filwaqt li huwa adatt għal żminijiet normali, issa sar parti mill-problema. Il-KESE jqis li l-governanza ekonomika (b’mod partikolari fiż-żona tal-euro) ma tistax tibqa’ titħalla biss f’idejn regolamenti li qed jiġu riveduti bħalissa. L-Istati Membri li jinsabu f’diffikultà jeħtieġu aktar riżorsi biex joħorġu mit-triq magħluqa tar-reċessjoni u jiggarantixxu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, u permezz tat-tkabbir, konsolidazzjoni fiskali sostenibbli.

4.5.

Il-KESE għandu l-istess tħassib li ġġenera r-rapport annwali dwar l-iżviluppi soċjali fl-Ewropa, li ġie ppubblikat reċentement mill-Kummissjoni (12), u li jistqarr li l-miżuri implimentati sabiex jindirizzaw il-kriżi “żiedu stress finanzjarju u l-livelli tad-dejn fost il-familji, żiedu l-faqar u l-esklużjoni soċjali” u li “id-deterjorament tas-sitwazzjoni soċjali għal perjodu twil ta’ żmien kellu impatt negattiv fuq it-twemmin u l-fiduċja tal-pubbliku fl-abbiltà tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet li jindirizzaw problemi bħal dawn”. Id-data tar-rapport tal-Kummissjoni dwar il-kwalità tax-xogħol (part-time, mhux sigur u mhux stabbli) u l-qgħad partikolarment fost iż-żgħażagħ hija impressjonanti.

4.6.

Il-KESE jitlob li l-indikaturi soċjali (13) jaqdu rwol aktar prominenti fit-tabella ta’ valutazzjoni u jintużaw biex jirregolaw il-politiki baġitarji, l-ewwelnett is-Semestru, sabiex ma jiġux mhedda l-prinċipji fundamentali tal-UE – żvilupp ekonomiku armonjuż u bbilanċjat, tkabbir sostenibbli u favur l-ambjent, rata għolja ta’ konverġenza ekonomika, rata għolja ta’ impjiegi u protezzjoni soċjali, koeżjoni ekonomika u soċjali, solidarjetà bejn l-Istati Membri – kif stabbilit mit-Trattati ta’ Ruma u suċċessivament ankrati fit-Trattati ta’ Maastricht, Amsterdam u Lisbona iżda mhux meqjusa biżżejjed fil-Patt Fiskali u t-testi relatati kollha.

4.7.

Sabiex tingħata tifsira ġdida l-integrazzjoni tal-Istati Membri, u b’mod partikolari l-pajjiżi taż-żona tal-euro, jeħtieġ li nipproponu approċċ ta’ governanza Ewropea li jippermettu lill-pajjiżi bl-ogħla livelli ta’ dejn u livelli żero jew negattivi tal-PDG li jwettqu l-investimenti meħtieġa biex jerġgħu jrendu s-sistemi ta’ produzzjoni tagħhom kompetittivi u jagħtu bidu għall-iżvilupp. Approċċ bħal dan għandu jikkunsidra l-prinċipji ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali fit-Trattati fundaturi tal-UE.

4.8.

Devjazzjoni raġonevoli mill-parametru ta’ defiċit ta’ 3 % fl-Istati Membri għandha titqies bħala eċċezzjoni temporanja għal ċertu numru ta’ snin u b’hekk ma twassalx għal sanzjonijiet b’mod awtomatiku. Taħt l-approċċ il-ġdid ta’ governanza, il-Kummissjoni għandha teżamina bir-reqqa l-ħtiġijiet tal-pajjiżi f’diffikultà, tivvaluta jekk il-pjan ta’ investiment propost mill-Istat Membru huwiex adatt u fattibbli fid-dawl tal-impenji meħuda (programm ta’ stabbiltà/konverġenza u l-programm nazzjonali ta’ riforma) fis-Semestru Ewropew u stabbilit fis-Semestru Ewropew, u tapprovah taħt is-sorveljanza tal-Parlament Ewropew.

4.9.

Il-parametri li jintużaw għall-iżvilupp tal-baġits u l-interpretazzjoni tad-data għandhom ikunu uniformi u allinjati u għandhom japplikaw għall-pajjiżi kollha u l-amministrazzjonijiet tagħhom, bi proċedura trasparenti, komprensibbli u pubblika. Regolament uniku b’regoli ċari u sempliċi jista’ jkun biżżejjed biex jiġi żgurat l-involviment tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-parlamenti nazzjonali.

4.10.

B’dan l-approċċ, is-Semestru għandu jinbidel f’opportunità kbira għal UEM bil-ħsieb li terġa’ tinbena l-fiduċja reċiproka u jitnieda proċess komuni, kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riformi strutturali (li jrid ikun hemm qbil dwarhom għall-pajjiżi kollha fiż-żona tal-euro) u għall-baġit. Il-qafas regolatorju ġdid għandu jevolvi lejn baġit ġdid għaż-żona tal-euro u l-valutazzjoni ta’ proċedura komuni ta’ żvilupp bl-akbar trasparenza u onestà possibbli bħala l-prinċipji ewlenin tal-opinjoni pubblika Ewropea

Brussell, id-19 ta’ Marzu 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, p 1);

Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (ĠU L 306, 23.11.2011, p 12); u

Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p 11).

(2)  Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, p 8); u

Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi.

(3)  Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p 1).

(4)  ĠU C 214, 8.7.2014, p. 46.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar L-ikkompletar tal-UEM – il-leġislatura Ewropea li jmiss, (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10).

(6)  COM(2015) 12 final.

(7)  Rapport Speċjali tas-CEPS Nru. 98, Inżidu l-Leġittimità tal-Governanza tal-UEM, Diċembru 2014.

(8)  Ibid.

(9)  COM(2013) 165 final.

(10)  ECFIN Economic Brief, Ħarġa 37, Ottubru 2014, L-implimentazzjoni tar-riformi ekonomiċi – l-Istati Membri tal-UE qegħdin jirrispondu għar-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew?

(11)  Daniel Gros u Alessandro Giovannini, Istituto Affari Internazionali Nru 14, Marzu 2014, L-importanza “relattiva” ta’ żbilanċi makroekonomiċi tal-UEM fl-MIP.

(12)  Employment and Social Developments in Europe, Diċembru 2014.

(13)  Pereżempju: it-tkabbir tal-PDG, il-qgħad, il-qgħad fit-tul, il-persuni f’riskju ta’ faqar, l-investiment pubbliku, ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet u l-pagi, eċċ.


14.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew, fir-rigward ta’ żieda tal-ammont ta’ prefinanzjament inizjali mħallas għal programmi operazzjonali appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ”

(COM(2015) 46 final)

(2015/C 268/07)

Relatur Ġenerali:

is-Sur Pavel TRANTINA

Nhar it-12 ta’ Frar 2015 u nhar it-23 ta’ Frar 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 164 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew, fir-rigward ta’ żieda tal-ammont ta’ prefinanzjament inizjali mħallas għal programmi operazzjonali appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ”

(COM(2015) 46 final).

Nhar is-17 ta’ Frar 2015, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul il-506 sessjoni plenarja tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Marzu 2015 (seduta tat-18 ta’ Marzu) li jaħtar lis-Sur Trantina bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’213-il vot favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex iżżid b’mod sostanzjali l-prefinanzjament inizjali għall-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ (YEI – Youth Employment Initiative) bħala pass tajjeb ‘il quddiem. Dan għandu jgħin lill-Istati Membri bl-ogħla rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u, ħafna drabi, b’aktar restrizzjonijiet baġitarji biex jibdew jimplimentaw din l-Inizjattiva.

1.2.

Minkejja r-riżervi li ilu jesprimi kontinwament dwar l-ammont u l-mod kif qed jiġu finanzjati l-inizjattivi għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ (1), il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn tibdil fir-Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) skont il-proposta li tressqet.

1.3.

Il-KESE huwa konvint li din l-Inizjattiva għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jipprijoritizzaw il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-baġit nazzjonali tagħhom. Il-proċeduri burokratiċi la għandhom jipprevjenu d-distribuzzjoni effiċjenti tas-EUR 6 biljun allokati għall-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ, u lanqas m’għandhom idewmu kwalunkwe inizjattiva oħra maħsuba biex il-qgħad attwali taż-żgħażagħ jiġi miġġieled b’mod effiċjenti.

1.4.

Il-KESE jqis din l-Inizjattiva bħala opportunità biex jiġi eżaminat il-ġejjieni tax-xogħol fl-Istati Membri – is-servizzi pubbliċi tal-impjieg iridu jsiru ħafna aktar proattivi, iridu jinħolqu sinerġiji aħjar bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-atturi tas-suq tax-xogħol, u ż-żgħażagħ għandhom ikunu infurmati b’mod adegwat u minnufih dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom.

1.5.

Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa li s-soċjetà ċivili organizzata tiġi involuta fit-tfassil u l-monitoraġġ tal-programmi nazzjonali tal-Inizjattiva abbażi ta’ sħubija. Il-KESE jixtieq ifakkar dwar l-impenn tiegħu fit-tul għat-tema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. Huwa konvint li l-involviment tal-imsieħba soċjali fi strateġija tat-tkabbir, fir-riformi tas-suq tax-xogħol, fl-iskemi edukattivi u fir-riformi tal-amministrazzjoni kif ukoll l-involviment tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ ser jiżguraw il-kunsens ta’ firxiet kbar tal-popolazzjoni u għaldaqstant l-istabbiltà soċjali (2).

1.6.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea timmonitorja mill-qrib l-isfidi għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva u speċjalment għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-proċess ta’ monitoraġġ m’għandux ikun ibbażat biss fuq analiżi kwantitattiva iżda wkoll fuq indikaturi aktar kwalitattivi.

1.7.

Hemm bżonn investiment ikbar fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja u fl-aħħar mill-aħħar ikun parti minn approċċ komprensiv għall-edukazzjoni. L-internati u l-apprendistati għandhom ikunu skemi ta’ kwalità. L-internati għandhom ikunu bbażati fuq għanijiet ta’ tagħlim u preferibbilment ikunu parti mill-kurrikuli tal-edukazzjoni u m’għandhomx jissostitwixxu l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.

1.8.

Il-KESE huwa konvint li l-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, f’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, iridu jaqdu rwol kruċjali sabiex jiġi żgurat baġit sod tal-UE bil-għan li jiġi stimulat il-ħolqien ta’ impjiegi għaż-żgħażagħ.

2.   Sfond

2.1.

L-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ kienet proposta mill-Kunsill Ewropew tal-2013 b’baġit ta’ EUR 6 biljun għall-perjodu 2014-2020. Hija għandha tappoġġja b’mod partikolari liż-żgħażagħ li mhumiex fl-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEET) fir-reġjuni tal-Unjoni li fl-2012 kellhom rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ‘il fuq minn 25 % billi tintegrahom fis-suq tax-xogħol.

2.2.

Għalhekk, il-fondi taħt l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ għandhom jintużaw għat-tisħiħ u t-tħaffif tal-miżuri deskritti fil-Pakkett dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ tal-2012. B’mod partikolari, il-fondi huma disponibbli biex il-pajjiżi tal-UE jiffinanzjaw il-miżuri biex fir-reġjuni eliġibbli tiġi implimentata r-Rakkomandazzjoni ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ miftiehma fl-2013 mill-Kunsill tal-Ministri tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali.

2.3.

F’Diċembru 2014, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kienet ta’ 21,4 % fl-UE-28 u 23,0 % fiż-żona tal-euro (3), filwaqt li f’ċerti pajjiżi l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu għoli b’mod inaċċettabbli – aktar minn 40 jew saħansitra 50 %. Anki jekk dawn ir-rati qed jonqsu bil-mod, xorta huma ħafna ogħla mil-livelli ta’ qabel il-kriżi u ż-żgħażagħ għadhom ma ħarġux mill-kriżi. Aktar minn nofs iż-żgħażagħ Ewropej iħossu li f’pajjiżhom iż-żgħażagħ spiċċaw marġinalizzati u esklużi mill-ħajja ekonomika u soċjali minħabba l-kriżi (4).

2.4.

Sena wara li ġie adottat ir-Regolament tal-FSE dwar l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ, dan għadu ma laħaqx il-potenzjal tiegħu. Il-finanzjament disponibbli bil-quddiem tal-impenji tal-Inizjattiva u l-miżuri speċifiċi l-oħra ma wasslux għall-mobilizzazzjoni mħaffa mistennija tar-riżorsi mill-istess Inizjattiva. Fost ir-raġunijiet ewlenin identifikati nsibu l-proċess li għaddej bħalissa tan-negozjar tal-programmi operazzjonali rilevanti u l-applikazzjoni tal-arranġamenti rispettivi ta’ implimentazzjoni fl-Istati Membri; il-kapaċità limitata tal-awtoritajiet li jniedu sejħiet għall-proġetti u li jipproċessaw l-applikazzjonijiet b’rata mgħaġġla u n-nuqqas ta’ prefinanzjament għat-tnedija tal-miżuri neċessarji.

2.5.

Din il-proposta għandha tindirizza din l-isfida u sfidi oħra. Skontha, il-prefinanzjament inizjali disponibbli mill-allokazzjoni speċifika għall-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ fl-2015 ser jiżdied għal madwar EUR 1 biljun. Hija ma tbiddilx il-profil finanzjarju ġenerali tal-allokazzjonijiet nazzjonali li diġà ġew miftiehma, kulma tagħmel hu li tipproponi li jitressqu ‘l quddiem l-allokazzjonijiet li diġà ġew garantiti fil-baġit tal-UE għall-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ. Għalhekk, din il-proposta żżid il-flessibbiltà biex l-Istati Membri jaċċessaw dawn il-fondi u jimmobilizzawhom b’mod iktar komprensiv.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   L-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ u d-dritt għal opportunitajiet ta’ kwalità tajba għaż-żgħażagħ

3.1.1.

Il-miżuri finanzjati taħt l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ għandhom ikunu bbażati fuq approċċ lejn iż-żgħażagħ u l-impjieg li jkun ibbażat fuq id-drittijiet; b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi kbira, il-kwalità tal-impjieg għaż-żgħażagħ m’għandhiex tkun kompromessa. Il-proġetti li jsiru taħt l-Inizjattiva għandhom jikkontribwixxu biex jiġu promossi impjiegi ta’ kwalità. Hemm evidenza dejjem tiżdied li turi li x-xogħol temporanju u part-time f’xi Stati Membri qed isir obbligu aktar milli għażla għaż-żgħażagħ.

3.1.2.

L-iskemi tal-internat (internship) u tal-apprendistati għandhom jiġu estiżi aktar taħt l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ. L-internati (interns) għandhom ikunu ta’ kwalità. Dawn għandhom jikkostitwixxu esperjenza prezzjuża u utli fuq ix-xogħol għaż-żgħażagħ. L-internat għandu jkun ibbażat fuq għanijiet ta’ tagħlim u preferibbilment ikun parti mill-kurrikula edukattivi, biex jgħin fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol u mhux biex jieħu post il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. Il-kumpaniji għandhom ikunu inkoraġġuti li jingaġġaw l-internati wara tmiem l-internat.

3.2.   Il-prinċipju tas-sħubija

3.2.1.

Il-KESE jixtieq jenfasizza bil-qawwa li l-programmi operazzjonali (inklużi dawk finanzjati mill-FSE u għalhekk il-finanzjament tal-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ) għandhom ikunu orjentati lejn azzjonijiet u miżuri li jirrispettaw il-prinċipju tas-sħubija. It-trattament ugwali u l-pluraliżmu fis-sħubija, is-sħubijiet immirati għall-programmi mmirati u l-bini tal-kapaċità msaħħaħ għandhom ikunu linji gwida importanti (5). Il-KESE jemmen li l-Kumitati ta’ Monitoraġġ bħala strument ta’ sħubija li jinvolvu wkoll lis-soċjetà ċivili organizzata għandhom jintużaw għal diskussjonijiet adatti dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva fl-Istati Membri u l-monitoraġġ tagħha.

3.2.2.

It-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jista’ jiġi xprunat biss permezz ta’ approċċ transsettorjali ġenwin u l-iżvilupp ta’ sħubijiet effiċjenti li jinvolvu lin-negozji, is-settur taż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-servizzi pubbliċi tal-impjieg, il-fornituri tat-taħriġ u l-edukazzjoni, kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

3.2.3.

Sabiex tiġi indirizzata n-natura eteroġena tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, biex isir kontribut għat-tfassil ta’ servizzi adattati u biex jiġi żgurat li jkun hemm komunikazzjoni aħjar maż-żgħażagħ, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli li huma ‘l bogħod mis-suq tax-xogħol, iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom jiġu involuti fit-tfassil, fil-monitoraġġ u, fejn applikabbli, fl-implimentazzjoni tal-miżuri finanzjati mill-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

3.2.4.

L-organizzazzjonijiet u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ jistgħu wkoll jiffaċilitaw il-komunikazzjoni: jista’ jkollhom rwol fl-identifikazzjoni ta’ benefiċjarji żgħażagħ tal-miżuri taħt l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ u jinfurmaw liż-żgħażagħ dwar il-possibbiltajiet tal-iskemi;

3.3.   Ir-rwol tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ

3.3.1.

Politiki tas-suq tax-xogħol li jinkoraġġixxu interventi bikrija biex jgħinu liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol huma ta’ benefiċċju għall-karriera sħiħa tagħhom. Madankollu, huwa wkoll diffiċli ħafna għaż-żgħażagħ biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol wara l-ewwel esperjenza, għalhekk is-servizzi ta’ gwida tal-karriera għandhom jakkumpanjaw liż-żgħażagħ fit-tul.

3.3.2.

Sabiex ikunu effiċjenti, il-miżuri taħt l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ, speċjalment l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, ser ikollhom ikunu akkumpanjati minn żieda fil-kapaċità amministrattiva tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi. L-għoti ta’ ismijiet ġodda lis-sistemi falluti attwali mhuwiex biżżejjed. Garanzija għaż-Żgħażagħ ġusta u inklużiva għandha tiżgura tranżizzjoni rapida mill-iskola għax-xogħol billi toffri gwida mfassla għall-karrieri adatta li twassal għal offerti ta’ kwalità tajba għaż-żgħażagħ kollha.

3.4.   Il-ħtieġa għal koerenza

3.4.1.

Il-miżuri mill-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ m’għandhomx ikunu biss miżuri immedjati biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ iżda għandhom jimmiraw ukoll biex il-qgħad fost iż-żgħażagħ jitnaqqas fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul, li jeħtieġ investimenti iffokati fit-tul.

3.4.2.

It-tnaqqis baġitarju fis-servizzi soċjali u taż-żgħażagħ jikkontradixxi l-ispirtu tal-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ u jfixkel il-potenzjal tal-miżuri biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ.

3.4.3.

Sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġiet differenti taż-żgħażagħ kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, il-proġetti finanzjati taħt l-Inizjattiva għandhom ikunu parti minn pakkett koerenti ta’ miżuri li jħaddan diversi mekkaniżmi ta’ appoġġ. L-aċċess għall-iskemi soċjali għandu jkun garantit għaż-żgħażagħ u l-forom ta’ xogħol mhux standard għandhom jiġu regolati sabiex jilqgħu kontra xi effetti negattivi ta’ nuqqas ta’ sigurtà li jirriżultaw minn tali impjiegi. Barra minn hekk, attenzjoni speċifika hija meħtieġa biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol fuq il-bażi tal-età, is-sess, l-isfond ta’ migrazzjoni u oħrajn.

3.4.4.

L-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ m’għandhiex iżżomm lill-Istati Membri milli jużaw il-Fond Soċjali Ewropew ħalli jiffinanzjaw proġetti aktar wiesgħa relatati maż-żgħażagħ, speċjalment dawk dwar il-faqar u l-inklużjoni soċjali. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex timmonitorja l-użu tal-fondi tal-FSE għall-proġetti relatati maż-żgħażagħ.

3.5.   Mill-edukazzjoni għax-xogħol u mix-xogħol għall-edukazzjoni

3.5.1.

Minħabba l-bidliet rapidi previsti fis-suq tax-xogħol, illum aktar minn qabel hemm il-ħtieġa ta’ investimenti qawwija fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Madankollu, il-politiki dwar il-ħiliet m’għandhomx jitqiesu biss bħala mezzi li jissodisfaw il-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol, iżda għandhom jirrikonoxxu l-kompetenzi li jinkisbu permezz tal-edukazzjoni mhux formali, jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ tagħlim tul il-ħajja u fl-aħħar mill-aħħar ikunu parti minn approċċ olistiku għall-edukazzjoni.

3.5.2.

It-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni u x-xogħol tista’ wkoll tiġi megħjuna permezz ta’ sistema intelliġenti doppja li tikkombina l-edukazzjoni u x-xogħol, li tagħti liż-żgħażagħ l-opportunità li jiksbu l-ewwel esperjenza professjonali tagħhom b’mod parallel għal edukazzjoni ta’ kwalità.

3.5.3.

L-iżvilupp ta’ ħiliet intraprenditorjali u b’funzjonijiet trasversali jista’ jkun utli għaż-żgħażagħ biex ikunu ċittadini attivi u innovattivi. L-intraprenditorija għandha titqies ukoll bħala triq vijabbli li twassal għall-impjiegi għaż-żgħażagħ. Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġu indirizzati l-ostakoli li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ meta jibdew intrapriża tagħhom stess, bħan-nuqqas ta’ aċċess għall-kreditu, in-nuqqas ta’ livell minimu ta’ protezzjoni soċjali għall-intraprendituri żgħażagħ, kif ukoll nuqqas ta’ appoġġ mill-istrutturi edukattivi u governattivi.

3.5.4.

L-intraprenditorija soċjali trid tiġi promossa wkoll permezz tal-kapaċità tagħha li toħloq l-impjiegi u tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-komunità, tappoġġa s-sostenibbiltà ambjentali u tipproduċi kapital soċjali.

3.6.   Monitoraġġ tal-kwalità

3.6.1.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tissorvelja mill-qrib l-isfidi għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ u speċjalment għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li ġew identifikati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi tal-2014 dwar il-kwalità tal-offerti, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni attiva għan-NEETs, il-kapaċità amministrattiva tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u n-nuqqas ta’ impenn effettiv mal-imsieħba rilevanti kollha.

3.6.2.

Il-proċess ta’ monitoraġġ m’għandux ikun ibbażat biss fuq analiżi kwantitattiva iżda wkoll fuq indikaturi aktar kwalitattivi. Dan jagħmilha possibbli mhux biss li jiġu identifikati miżuri li ma jkunux effiċjenti biex iż-żgħażagħ ikollhom impjieg iżda wkoll biex jiġu identifikati r-raġunijiet għalfejn miżuri bħal dawn ma jkunux irnexxew.

3.6.3.

Il-KESE jilqa’ l-qafas tal-indikaturi tal-EMCO għall-Monitoraġġ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Dawn l-indikaturi huma ferm ambizzjużi u dawn ser jimplikaw ħidma amministrattiva sinifikanti mill-awtoritajiet nazzjonali. L-Istati Membri ser ikollhom ikunu responsabbli biex jiġi żgurat il-ġbir effiċjenti tad-data.

3.7.   Estensjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ

3.7.1.

L-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jestendu l-miżuri ta’ politika għaż-żgħażagħ sal-età ta’ 30 sena. L-Istati Membri għandhom iqisu din il-possibbiltà meta l-Inizjattiva tiġi mmonitorjata u evalwata f’pajjiżhom.

3.8.   Ħolqien ta’ impjiegi

3.8.1.

Hemm bżonn politiki makroekonomiċi favur l-impjieg biex jiżdiedu l-investiment u t-tkabbir. L-investiment pubbliku fl-infrastruttura u l-protezzjoni soċjali jistgħu jimmultiplikaw l-opportunitajiet tal-impjieg, filwaqt li l-investimenti f’setturi speċifiċi u innovattivi, bħalma huma l-ekonomija ekoloġika u l-industrija tal-ICT, jistgħu jiżguraw is-sostenibbiltà ta’ dan it-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba għaż-żgħażagħ. Il-politiki fiskali favorevoli għaż-żgħażagħ, b’mod partikolari biex jingħata appoġġ lill-interventi mmirati bħal dawn min-naħa tad-domanda, għandhom jkun parti minn dan l-approċċ usa’ biex jiġi miġġieled l-impatt tal-kriżi fuq iż-żgħażagħ.

Brussell, it-18 ta’ Marzu 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 101.

(2)  ĠU C 424, 26.11.2014, p. 1.

(3)  Ċifri tal-Eurostat dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ.

(4)  Parlament Ewropew (2014), Flash Eurobarometer tal-Parlament Ewropew: Iż-Żgħażagħ Ewropej fl-2014.

(5)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 23.


14.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha (riformulazzjoni)”

(COM(2015) 48 final — 2015/0027 (COD))

(2015/C 268/08)

Nhar it-12 ta’ Frar 2015 u nhar l-4 ta’ Marzu 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha (riformulazzjoni)”

(COM(2015) 48 final – 2015/0027 (COD)).

Billi l-Kumitat iqis li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul il-506 sessjoni plenarja tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Marzu 2015 (seduta tat-18 ta’ Marzu 2015), b’165 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, it-18 ta’ Marzu 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE