ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 12

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 58
15ta' Jannar 2015


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

502 Sessjoni Plenarja tal-KESE fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014

2015/C 012/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-fraġilità tal-konsumaturi fil-kuntest tal-prattiki kummerċjali fis-suq intern (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

1

2015/C 012/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar In-nisa fix-xjenza (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

10

2015/C 012/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-iżvilupp tas-servizzi għall-familja biex ir-rata tal-impjiegi tiżdied u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fix-xogħol (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

16

2015/C 012/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-impatt tas-servizzi tan-negozju fl-industrija (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

23

2015/C 012/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini L-Ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!(COM(2014) 177 final) (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

33

2015/C 012/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Ġappun (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

39

2015/C 012/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina fil-kuntest tal-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

48

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

502 Sessjoni Plenarja tal-KESE fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014

2015/C 012/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2013(COM(2014) 249 final)

54

2015/C 012/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tixrid ta' dejta satellitari ta' osservazzjoni tad-Dinja għal għanijiet kummerċjaliCOM(2014) 344 final – 2014/0176 (COD)

60

2015/C 012/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonaliCOM(2014) 284 final

64

2015/C 012/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 604/2013 rigward id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta' minuri mhux akkumpanjati mal-ebda membru tal-familja, aħwa jew qraba legalment preżenti fi Stat Membru(COM(2014) 382 final – 2014/0202 (COD))

69

2015/C 012/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi, li jemenda r-Regolament (UE) Nru XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007(COM(2014) 180 final – 2014/0100 (COD))

75

2015/C 012/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Lejn Pjan Direzzjonali għat-twettiq ta' servizzi pan-Ewropej tal-informazzjoni, l-ippjanar u l-bejgħ ta' biljetti għall-ivvjaġġar multimodali(SWD(2014) 194 final)

81

2015/C 012/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Era ġdida għall-avjazzjoni – Il-ftuħ tas-suq tal-avjazzjoni għall-użu ċivili ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod b'mod sigur u sostenibbli(COM(2014) 207 final)

87

2015/C 012/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-innovazzjoni u l-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir(COM(2014) 254 final/2)

93

2015/C 012/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (ISA2): L-interoperabbiltà bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku(COM/2014/0367 final – 2014/0185 (COD))

99

2015/C 012/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv(COM(2014) 130 final)

105

2015/C 012/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq(COM(2014) 476 final – 2014/0218 (COD))

115

2015/C 012/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran)(COM(2014) 457 final – 2014/0213 COD)

116

2015/C 012/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (kodifikazzjoni)(COM(2014) 466 final – 2014/0216 COD)

117

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

502 Sessjoni Plenarja tal-KESE fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014

15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-fraġilità tal-konsumaturi fil-kuntest tal-prattiki kummerċjali fis-suq intern”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 012/01)

Relatur:

is-Sur Hernández Bataller

Nhar it-22 ta’ Jannar 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-fraġilità tal-konsumaturi fil-kuntest tal-prattiki kummerċjali

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta ' Settembru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'92 vot favur, 37 vot kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

It-tnaqqis gradwali tal-kapaċità tal-akkwist tal-klassijiet medji, verament muturi tas-soċjetà tal-konsum u tal-konsumaturi kollha inġenerali, u d-diffikultajiet finanzjarji li għaddejjin minnhom in-negozji ż-żgħar u ta' daqs medju biex jibqgħu jeżistu, flimkien mal-qligħ limitat li qed isir fil-klima kummerċjali attwali, wasslu għal reviżjoni ta' ħafna mill-prattiki kummerċjali li jsiru normalment fis-suq.

1.2

Ir-riperkussjonijiet tad-distorsjoni fis-suq ikkawżat mill-prattiki żleali qed joħolqu konsumaturi maqbudin fis-sitwazzjoni ekonomika li jinsabu fiha, ikkaratterizzata minn telf ta' libertà tal-għażla, kif ukoll minn diffikultajiet biex jaqbżu għad-drittijiet tagħhom infushom f'dan il-qasam. Dawn il-konsumaturi wkoll għandhom jiġu mħarsa fil-kuntest ta' dawn il-politiki, biex tiġi evitata l-esklużjoni tagħhom.

1.3

Barra minn hekk, minħabba l-kriżi ekonomika qed tiġi nnutata tendenza ġenerali u li qed tkompli ta' dgħajjif gradwali tal-konsumaturi potenzjali li tagħti x'tifhem li dan it-tnaqqis fil-konsum jista' jkompli jikber. S'issa l-awtoritajiet pubbliċi ma pproponewx miżuri sistematiċi biex jiġi evitat li l-konsumaturi jbatu minn dan id-deterjorament u jiġu protetti minnu.

1.4

Il-korrezzjoni ta' dawn l-iżbilanċi ser ittejjeb ukoll il-pożizzjoni tal-produtturi u tan-negozji ż-żgħar u ta' daqs medju, peress li t-trasparenza u l-kompetizzjoni ħielsa jtaffulhom il-pressjonijiet li jkollhom jiffaċċjaw (domanda li qed tonqos, prezzijiet predatorji, eċċ.) u li dawn l-iżbilanċi jikkontribwixxu għall-fatt li s-suq intern ma jaħdimx sew.

1.5

Għandhom jiġu adottati kemm miżuri ta' prevenzjoni u protezzjoni, kif ukoll ta' mitigazzjoni u rkupru li, mingħajr ħsara għall-proposti fit-test tal-Opinjoni, tal-inqas jinkludu dan li ġej:

A.

Min-naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej, miżuri li jkollhom l-għan li:

1)

jaraw li ssir applikazzjoni aħjar tal-istandards tas-suq uniku, speċjalment dawk marbutin mas-sigurtà tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq, id-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali u r-Regolament ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-konsum;

2)

jappoġġjaw, jikkomplementaw u jimmonitorjaw il-politiki tal-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur;

3)

iwettqu segwitu tal-ostakli l-ġodda li feġġew li jxekklu t-tħaddim tas-suq intern, bħall-vjolenza ekonomika li ssir fil-kuntratti għall-konsumaturi u fi kwistjonijiet oħrajn, billi jiġu adottati l-miżuri li jservu biex dawn jitneħħew.

B.

Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri għandhom:

1)

jipprovdu appoġġ finanzjarju adegwat lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi biex dawn ikunu jistgħu jwettqu d-dmir tagħhom li jħarsu d-drittijiet tal-konsumaturi kollha. Il-possibbiltà li jinħoloq fond bl-użu tad-dħul mill-multi imposti f'oqsma tal-konsum għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki ta' protezzjoni tal-konsumaturi, speċjalment għat-twettiq tal-azzjonijiet ta' interess ġenerali li jgawdu minnhom il-konsumaturi kollha, għandha tkun studjata, abbażi tal-esperjenza tal-Istati Membri fejn dawn il-fondi jeżistu diġà, biex wara jinħolqu u jibdew jaħdmu, skont il-leġislazzjoni ta' kull Stat Membru;

2)

jadottaw miżuri fis-sistemi ta' protezzjoni soċjali tagħhom biex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali tal-konsumaturi u taċ-ċittadini kollha, jiġifieri klassifikazzjoni ta' iżjed minn 30 % fl-Indiċi tal-Faqar Multidimensjonali (IFM), speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għal u l-provvediment ta' servizzi bażiċi essenzjali. Għal dan il-għan, kull Stat Membru, skont il-bżonnijiet tiegħu, jista' jgħin permezz tat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' “pjan ta' salvataġġ għaċ-ċittadini” li jikkontribwixxi biex iniedi mill-ġdid l-ekonomiji tal-unitajiet domestiċi u l-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi.

1.6

Għandu jsir aktar xogħol għall-integrazzjoni tal-interessi tal-konsumaturi fil-politiki kollha tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-programmi rilevanti tal-UE għandhom jiddedikaw parti speċifika mill-baġit għall-appoġġ tal-kontribut tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-konsumaturi, permezz ta' attivitajiet ta' interess ġenerali, biex jiffavorixxu l-inklużjoni tal-konsumaturi li huma ekonomikament dgħajfa minħabba ċ-ċirkostanzi.

2.   Introduzzjoni

2.1

It-tul u l-profondità tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali, flimkien mal-miżuri adottati minn bosta gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ġabu magħhom effetti sekondarji fuq l-offerta u d-domanda ta' oġġetti u servizzi b'rabta mat-tmermir tal-kapaċità tal-akkwist li għaddew minnu l-biċċa l-kbira tal-konsumaturi u li qed iwassal għal frammentazzjoni soċjali.

2.2

Il-qtugħ fil-pagi ġiegħel lin-nies jibdlu d-drawwiet ta' konsum tagħhom biex ikunu jistgħu jaġġustaw il-baġits tal-familji tagħhom għall-kapaċità ta' nfiq il-ġdida tagħhom.

2.3

It-telf ta' sorsi ta' dħul – anke jekk, f'ċerti każijiet, ikun hemm għajnuna li tingħata min-netwerks tal-familji – u l-waqgħa kontinwa fil-valur ta' dan id-dħul, wasslu għal żieda fl-għadd ta' konsumaturi ekonomikament vulnerabbli fir-riskju ta' esklużjoni soċjali, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' prodotti, provvisti u servizzi essenzjali, li jista' jiġi kkunsidrat bħala tip ta' vulnerabbiltà tranżitorja.

2.4

Barra minn hekk, iċ-ċaqliq ta' setturi ta' konsumaturi f'saffi ta' inqas kapaċità tal-akkwist, flimkien mal-esklużjoni finanzjarja u l-qgħad, wasslu għal limiti ġodda fl-aċċess għal swieq konvenzjonali ta' oġġetti u servizzi, li għenet il-ħolqien ta' spazji u mezzi alternattivi ta' kummerċ, li xi drabi jistgħu joħolqu distorsjonijiet fis-suq.

2.5

Huwa importanti li għall-istatistika jintuża l-Indiċi tal-Faqar Multidimensjonali (IFM) (1) biex jiġu valutati u adottati deċiżjonijiet li jevitaw l-esklużjoni soċjali. Dan l-Indiċi janalizza diversi aspetti bażiċi bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-livell tal-għajxien permezz ta' 10 indikaturi (kwalità tal-ħajja/benesseri soċjali) u jqis bħala persuna fqira lil kull min ma jkollux aċċess għal mill-inqas 30 % tal-indikaturi kkunsidrati. Għalhekk, huwa importanti li l-Istati Membri jadottaw miżuri bil-għan li dan il-limitu jiġi ssuperat.

2.6

B'mod simili, il-pożizzjoni ekonomika dgħajfa tal-konsumaturi milqutin ħażin mill-kriżi żżommhom milli jkollhom uħud mill-mezzi neċessarji biex ikollhom aċċess għal ambjenti ta' marketing onlajn, li jnaqqas l-aċċess tagħhom għas-suq tal-oġġetti u s-servizzi b'mod li jkun jaqblilhom aktar. B'hekk, id-distakk diġitali qed iżid ukoll id-“distakk soċjali” għax il-konsumaturi qed isibuha diffiċli jipproteġu lilhom infushom mir-riskji li jiġu mill-effetti tal-kriżi ekonomika u l-kumplessità tas-swieq diġitali.

2.7

Barra minn hekk, minħabba ċ-ċirkostanzi finanzjarji li jinsabu fihom, il-konsumaturi vulnerabbli ma jkollhomx biżżejjed informazzjoni u protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tagħhom fit-tranżazzjonijiet li jwettqu f'oqsma tas-suq li qed jinteressawhom dejjem aktar.

2.8

Fl-aħħar, it-tnaqqis fir-riżorsi pubbliċi disponibbli għall-konsumatur, fil-qafas tal-politiki ta' aġġustament li applikaw il-gvernijiet f'dawn l-aħħar snin, imermer bil-bosta u b'mod speċjali l-effettività tal-attivitajiet ta' kontroll u sorveljanza tas-suq. Barra minn hekk, l-UE tat inqas fondi lill-Programm Pluriennali tal-Konsumaturi għall-perjodu 2014-2020 (2), kif innota diġà l-KESE (3).

3.   Prattiki kummerċjali li jistgħu jwasslu għal fraġilità fil-ħarsien tal-konsumaturi minħabba l-kriżi ekonomika li faqqgħet għal għarrieda

3.1

Il-varjetà ta' karatteristiċi u l-impatt li jħallu l-prattiki speċifiċi kummerċjali żleali fuq is-suq tal-konsumaturi l-aktar dgħajfin minħabba ċ-ċirkostanzi mhux mistennija tal-kriżi ekonomika jnaqqsu l-kapaċità tagħhom li jindirizzaw, b'mod sodisfaċenti, il-bżonnijiet l-aktar bażiċi tagħhom.

3.2

Il-konformità mal-istandards li jiggarantixxu s-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi u l-utenti m'għandhiex tkun miftuħa għan-negozjati mal-provvedituri, għax il-konsumaturi jridu jiġu protetti minn kull riskju li dan jiġri, u, bl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-prekawzjoni (kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2000), ma jitħalliex li jiġu kkumerċjalizzati dawk il-prodotti, beni jew servizzi li jipperikolaw l-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom jew jheddu l-interessi ekonomiċi leġittimi tagħhom. Dan għandu jsir mingħajr ħsara għar-rekwiżit ta' sigurtà ġenerali għal kull prodott maħsub għall-konsum jew li jista' jintuża mill-konsumaturi, inklużi dawk użati mill-konsumaturi fil-qafas tal-provvista ta' servizz.

3.3

Il-bżonnijiet bażiċi tal-ikel mhux biss jistgħu ma jintlaħqux b'mod adegwat f'sitwazzjonijiet ta' dgħufija ekonomika tal-konsumaturi, iżda saħansitra jistgħu jintlaqtu serjament minn offerta ta' prodotti tal-ikel li l-valur nutrizzjonali tagħhom huwa mnaqqas biex jirrifletti l-prezz aktar baxx tagħhom.

3.4

L-istess jgħodd għall-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-ħażna u l-bejgħ ta' prodotti li, minħabba li huma prodotti li jeħżienu jrid ikollhom data ta' meta jiskadu.

3.5

Jista' jkun hemm prattiki kummerċjali li – sabiex jitnaqqsu l-prezzijiet drastikament – jipproponu l-bejgħ ta' prodotti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti biex jitqiegħdu fis-suq u l-istess jista' jiġri f'dak li jirrigwarda l-forniment ta' servizzi. Għaldaqstant, iridu jiġu adottati l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiġi evitat, fejn ikun il-każ, il-bejgħ ta' dawn il-prodotti, b'intervent attiv u viġilanti min-naħa tal-Istati Membri. Kif indika l-KESE (4), għandha tiżdied il-kooperazzjoni bejn il-korpi nazzjonali kompetenti u l-Kummissjoni billi tiġi approvata r-reviżjoni tar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti, li għandha tidħol fis-seħħ minnufih.

3.6

F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat ukoll l-użu apposta ta' ismijiet u deskrizzjonijiet li jqarrqu lill-konsumatur dwar il-karatteristiċi tal-prodotti fi promozzjonijiet jew skontijiet kummerċjali. L-istess japplika għar-reklamar, kemm mil-lat ta' kampanji qarrieqa ta' marketing li suppost għandhom għan etiku li jwasslu għall-bejgħ billi jappellaw għall-qalb ta' dawk li jridu jagħmlu l-ġid, kif ukoll mil-lat ta' stqarrijiet qarrieqa dwar l-ambjent, li l-verità tagħhom hija diffiċli tiġi kkonfermata.

3.7

Hemm bżonn tiġi mgħassa wkoll il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti ġeneriċi jew ta' “marka privata” u li ma jirrispettawx l-esiġenzi u r-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni li hemm fis-seħħ.

3.8

Fil-qasam tal-ikel tqanqal tħassib ukoll dwar it-tixrid ta' mezzi alternattivi ta' kummerċjalizzazzjoni li jaħarbu s-superviżjoni amministrattiva, bħall-każijiet tal-hekk imsejħa “frodi alimentari (5)”, li ssir bil-falsifikazzjoni ta' prodotti bażiċi, il-bejgħ illegali ta' ikel, iċ-ċirkolazzjoni mill-ġdid ta' ikel imwarrab biex ma jiġix ikkonsmat mill-bniedem, eċċ. L-istess jgħodd għall-bejgħ ta' mediċini mingħajr riċetta, li mhumiex prodotti “over the counter” (6), u li jiġu prodotti mingħajr garanziji, bil-falsifikazzjoni ssir bl-imitazzjoni tal-mediċina oriġinali awtorizzata, u dan iġib miegħu riskji gravi għas-saħħa.

3.9

Xi prodotti oħra jiġu ddisinjati speċifikament biex ikollhom obsolenza ppjanata biex il-ħajja tal-prodott tkun iqsar, biex bilfors ikollhom jinxtraw prodotti oħra ġodda. Dan imur kontra l-kriterji tas-sostenibbiltà u l-infiq effiċjenti tal-konsumatur, kif diġà kien stqarr il-KESE (7).

3.10

Inġenerali, l-offerta ta' prodotti kummerċjalizzati b'mod mhux konvenzjonali, inkluż b'mod diġitali, tnibbet insigurtà fil-konsumaturi ekonomikament aktar vulnerabbli dwar id-differenza bejn il-prodotti, u ta' sikwit isiru tentattiv biex tiżdied id-domanda fost dan il-grupp ta' persuni, li jużaw il-“lixka” tal-prezz baxx, il-faċilità tal-ħlas, ir-roħs fittizju (xi kultant permezz ta' “prezzijiet dinamiċi” (8), li għandhom ikunu projbiti b'mod espliċitu), kupuni jew vawċers li spiss iwasslu b'mod ċar għax-xiri billi jieħdu vantaġġ mill-pożizzjoni żvantaġġjata ta' dawk li jkunu qed jagħmlu tranżazzjoni kummerċjali. Bosta drabi, il-paġni web li jqabblu l-prezzijiet ma jiddikkjarawx b'mod ċar l-identità tan-negozjant li jieħu ħsieb il-paġna web u/jew lanqas ma jkun ċar jekk in-negozjanti jħallsux biex juru l-prodotti u s-servizzi tagħhom.

3.11

Madanakollu, irridu nżommu f'moħħna li l-użu tajjeb tal-potenzjal tat-teknoloġiji l-ġodda jipprovdi wkoll opportunitajiet għall-konsumaturi ekonomikament dgħajfin biex iwessgħu l-għażla ta' prodotti kif ukoll biex titħeġġeġ il-kompetizzjoni bejn in-negozji, li min-naħa tagħha tbaxxi l-ispejjeż tad-distribuzzjoni li mhumiex inerenti għall-prodott inkwistjoni.

3.12

B'mod ġenerali, il-prattika kummerċjali li tinvolvi t-tnaqqis tas-salvagwardji li l-konsumatur għandu dritt għalihom biex ikun hemm tnaqqis fil-prezz tal-prodott jew servizz offrut, jimplika inqas protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi ekonomiċi tiegħu. Il-konsegwenza ta' dan hija vulnerabbiltà akbar li tgħin l-iżvilupp ta' ċikli ta' feedback negattiv li jistgħu jdaħħlu lill-konsumaturi ekonomikament dgħajfin f'aktar diffikultajiet.

3.13

Rigward aspett ieħor li għandu impatt partikolari fuq is-saħħa tal-konsumaturi ekonomikament vulnerabbli, tajjeb li jiġi nnutat l-impatt li qiegħed dejjem jikber tal-effetti tal-faqar enerġetiku f'dawk ir-reġjuni Ewropej fejn il-karatteristiċi tal-klima tagħhom huma determinanti. Għalhekk ikun tajjeb li jiġu indirizzati wkoll dawk iċ-ċirkostanzi ta' “waqfien matul ix-xhur tax-xitwa” jew kwalunkwe ċirkostanza oħra li tista' titqies mill-operaturi korrispondenti f'sitwazzjonijiet meqjusin ta' riskju minħabba qtugħ fil-provvista dovut għal diffikultajiet biex il-konsumaturi jħallsu, speċjalment minħabba ċirkostanzi ekonomiċi mhux mistennijin.

3.14

B'mod ġenerali, ikun tajjeb li nżidu l-prattiki li jagħmlu ħsara użati minn ċerti negozji u li ta' sikwit jikkawżaw ħsarat irreversibbli lill-baġits familjari dgħajfa, speċjalment prattiki relatati ma' ċerti istituzzjonijiet ta' depożiti u tfaddil u prodotti finanzjarji li ma jipprovdux informazzjoni onesta u salvagwardji kuntrattwali adegwati – pereżempju l-kreditu għall-konsum b'rati għoljin ħafna ta' interess annwali – li tefgħu lil ħafna konsumaturi fi “kriżi ġo kriżi”, jew fi kliem ieħor, it-tixjin tal-istennijiet tagħhom għall-ġejjieni li wasslet għal sitwazzjonijiet ta' ħafna dejn tal-familja u saħansitra insolvenza totali tal-familja.

3.15

Iċ-ċirkustanzi msemmijin hawn fuq jistgħu jiġu estiżi biex ikopru kwistjonijiet aktar speċifiċi bħall-kriżi tad-dejn fuq id-djar, is-“sottoassigurazzjonijiet”, eċċ. li jikkawżaw dgħufija akkumulata u kontinwa li hija diffiċli tiġi affrontata minn dawk il-konsumaturi maqbudin f'din is-sitwazzjoni. F'dan ir-rigward, ta' min isemmi b'mod partikolari l-ħlas eċċessiv ta' kummissjonijiet, spiss marbut man-nuqqas ta' trasparenza bankarja, li jista' jwassal biex iqarraq mhux biss lill-investituri ż-żgħar, iżda wkoll lill-investituri privati, b'rabta ma' tranżazzjonijiet f'titoli li jagħmlu fuq l-inizjattiva tal-istituzzjonijiet finanzjarji nfushom jew entitajiet oħra li joperaw fis-settur iżda ma jkollhomx permess jagħmlu dan.

3.16

Fil-livell tal-kummerċ transkonfinali, it-traspożizzjoni mhux ugwali tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali (9) ġġib magħha r-riskju li ma jintlaħaqx biżżejjed l-għan tagħha u n-nuqqas ta' garanzija ta' ċertezza legali akbar għall-intrapriżi. Traspożizzjoni aħjar tikkontribwixxi għal livell ogħla ta' protezzjoni tal-konsumatur. Għalhekk, il-Kummissjoni issa ser ikollha tara li tiġi implimentata b'mod korrett fl-Istati Membri kollha, u dan jiġi megħjun jekk jiġu adottati mill-iżjed fis “linji gwida” li jiffaċilitaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva, bi qbil mal-għan tagħha.

3.17

Rigward il-prattiki kummerċjali żleali, huwa essenzjali li l-Kummissjoni twettaq superviżjoni tal-aspett marbut mal-miżuri li l-Istati Membri jeħtieġ li jistabbilixxu f'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva. B'mod ġenerali, is-sanzjoni li għandha tiġi imposta ma għandhiex tkun inqas mill-benefiċċju miksub permezz ta' prattika kkunsidrata żleali jew qarrieqa. Il-proċeduri, inklużi dawk legali, għandhom ikunu adegwati u effikaċi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva.

3.18

Fil-ġejjieni, biex tiġi żgurata konsistenza akbar fil-liġijiet tal-UE, għandhom jiġu riveduti fl-istess ħin u b'mod sinkronizzat kemm id-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali kif ukoll id-Direttiva dwar reklamar qarrieqi u komparattiv, kif diġà indikat mill-KESE (10).

3.19

Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan huwa li tiġi pprevenuta t-trasformazzjoni ta' suq uniku f'suq maqsum fi tnejn li jidher inqas sabiħ għal dawk li għandhom l-inqas u jeħtieġu l-aktar. L-implimentazzjoni tal-prattiki kummerċjali għandha ssir b'mod iżjed prudenti meta tolqot lill-konsumaturi l-iżjed vulnerabbli mil-lat ekonomiku. Għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet tal-konsumaturi biex jaċċessaw il-prodotti, is-servizzi u l-prestazzjonijiet bażiċi u jkun hemm provvista suffiċjenti u kontinwa b'mod li tipprovdi ħajja dinjituża, liema esiġenzi għandhom jitħarsu mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti.

4.   Proposti favur azzjoni istituzzjonali biex tiġġieled il-fraġilità ekonomika li jġarrbu l-konsumaturi

4.1

Il-KESE jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex jadottaw miżuri effikaċi biex jiggarantixxu aċċess sikur għal prodotti u servizzi bażiċi kif ukoll protezzjoni espliċita u effettiva tad-drittijiet ta' dawk il-konsumaturi u utenti li minħabba kawżi ekonomiċi li ġraw, batew minn impatt ikbar tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, bil-għan li tiġi evitata l-esklużjoni soċjali, kif diġà stqarr il-KESE, b'miżuri bħar-regolazzjoni tad-dejn eċċessiv tal-familji (11) għat-taffija tal-pressjoni finanzjarja b'intensità għolja li jbatu minnha ċerti partijiet tal-popolazzjoni.

4.2

Barra minn hekk, il-protezzjoni speċifika tad-drittijiet tal-konsumaturi ekonomikament vulnerabbli minħabba ċirkostanzi mhux mistennija u, partikolarment, l-aċċess tagħhom għas-suq tal-prodotti u s-servizzi bażiċi taħt kundizzjonijiet diċenti, għandha tkun sfida ewlenija għall-politiki Ewropej pubbliċi ta' protezzjoni tal-konsumaturi fl-applikazzjoni tal-leġislazzjoni korrispondenti.

4.3

Il-miżuri differenti jistgħu jinqasmu f'erba' tipi: dawk ta' prevenzjoni, ta' protezzjoni, ta' mitigazzjoni u ta' rkupru.

4.4

It-tħejjija ta' pjan ta' azzjoni għandu jinkludi, tal-inqas, azzjonijiet li jqisu dawn il-kategoriji differenti ta' miżuri ta' intervent.

4.5

L-ewwelnett għandu jinħoloq fond li jiġbor id-dħul mis-sanzjonijiet monetarji imposti fuq dawk li jiksru r-regoli fil-qasam tal-konsum, billi dan id-dħul imur għall-finijiet tal-politika ta' protezzjoni tal-konsumaturi, b'mod speċjali għall-azzjonijiet ta' interess ġenerali, li jgawdi minnhom kulħadd, permezz tal-istrument tal-azzjonijiet kollettivi, żviluppati mill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi u entitajiet oħra li jistgħu jiżviluppaw azzjonijiet fl-implimentazzjoni ta' din il-politika, b'konformità ma' dak stabbilit minn kull Stat Membru.

4.6

Għall-każijiet ta' ksur gravi b'riskju jew ħsara reali għas-saħħa tan-nies u għas-sigurtà tagħhom, għandha tiżdied is-setgħa tal-amministrazzjonijiet kompetenti li jimponu sanzjonijiet, inkluża s-setgħa li jindikaw, jieħdu u/jew jikkonfiskaw l-istrumenti jew il-beni użati, u jagħlqu l-attivitajiet tal-kumpanija, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ il-garanziji kollha tal-istat tad-dritt.

4.7

Il-miżuri preventivi ser ikollhom effett fuq id-diversi fatturi esterni li jikkontribwixxu għaż-żieda ta' konsumaturi ekonomikament vulnerabbli b'riżultat tal-kriżi ekonomika, u għall-ħolqien ta' sitwazzjonijiet jew prattiki li jistgħu jaffettwaw lil dawn il-konsumaturi f'forma differenzjata.

4.8

Minbarra l-fatturi esterni, għandhom jiġu adottati miżuri maħsubin għat-tisħiħ tar-rappreżentanti tal-konsumaturi, bħall-imsieħba ekonomiċi u soċjali, biex jitħeġġu jingħaqdu fi proġetti ta' kooperattivi, xiri konġunt jew proġetti ta' ekonomija kollaborattiva, fost affarijiet oħra.

4.9

Bl-istess mod, miżura preventiva bażika tkun li jitwaqqaf osservatorju biex jimmonitorja l-politiki strateġiċi adottati f’setturi kritiċi bħalma huma s-servizzi ta’ interess ġenerali, is-settur awdjoviżiv, il-fjuwils, is-servizzi bankarji, l-oligopoliji fis-settur tal-enerġija, id-djar, eċċ., li jistgħu jirappreżentaw riskju li l-aktar li huma suxxettibbli għalih ikunu l-konsumaturi l-aktar vulnerabbli.

4.10

Fi ftit kliem, dawn huma azzjonijiet relatati max-xenarji ekonomiċi, finanzjarji u tal-impjieg, u max-xenarji dovuti għall-impatt negattiv li jista' jkollhom it-teknoloġiji ġodda fuq l-aċċess għas-suq tal-prodotti u s-servizzi, fil-qafas tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi u tal-utenti. Għandhom jiġu inklużi wkoll ir-reklamar u l-marketing li jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet li jmorru kontra s-sitwazzjoni li jkunu jinsabu fiha l-konsumaturi, jew li jgħawġu l-kriterji tagħhom tax-xiri.

4.11

Il-miżuri ta' protezzjoni għandhom isaħħu l-mekkaniżmi għall-ħarsien tal-konsumaturi u l-utenti li jinsabu f'sitwazzjoni aktar dgħajfa jew ta' subordinazzjoni, speċjalment rigward l-aċċess għall-protezzjoni teknika u legali kif ukoll il-kumpens u t-tiswija tal-ħsarat, billi titqies is-sitwazzjoni partikolari li jinsabu fiha l-konsumaturi ekonomikament dgħajfin minħabba ċirkostanzi mhux mistennijin.

4.12

Hemm bżonn ta' aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni u ta' reviżjoni kompleta tal-ambitu ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, billi jiġu introdotti mekkaniżmi ta' verifika ekwivalenti, jiġu armonizzati s-sanzjonijiet u jiżdiedu l-effettività tar-Regolament u l-mekkaniżmi ta' kif jopera. Barra minn hekk, il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jgawdu minn prodotti u servizzi sikuri, li jitlob sorveljanza effettiva tas-swieq. Għalhekk il-KESE jittama li tiġi approvata r-reviżjoni tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti.

4.13

Il-miżuri ta' mitigazzjoni jirreferu għal miżuri diretti lejn il-konsumaturi li s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom diġà hija vulnerabbli minħabba l-kriżi ekonomika, u huma maħsubin biex jgħinuhom jiffaċċjaw dawn il-konsegwenzi, b'mod li, fil-ġejjieni jkunu jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom f'termini ta' kwalità deċenti ta' ħajja.

4.14

Kemm f'dawn it-tipi ta' miżuri kif ukoll f'dawk ta' rkupru li l-Istati Membri jistgħu jadottaw, huwa importanti li xi wħud minnhom iqisu l-għajnuna pprovduta minn netwerks soċjali u tal-familja li joffru appoġġ u li, min-naħa tagħhom, għandu jkollhom l-appoġġ istituzzjonali neċessarju biex jeżerċitaw dan ir-rwol. Anke l-Fondi Strutturali jistgħu jgħinu l-ħolqien ta' dawn il-fondi ta' solidarjetà biex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali, billi jintlaħqu l-għanijiet tagħhom.

4.15

Il-miżuri ta' rkupru jinkludu dawk kollha li jippromovu mezzi alternattivi biex tingħeleb is-sitwazzjoni ta' dgħufija ekonomika fil-kuntest ta' dak li jista' jsir attwalment. F'dan ir-rigward qed jiġi propost li jitfassal u jiġi implimentat “pjan ta' salvataġġ għaċ-ċittadin” li jikkontribwixxi biex iniedi mill-ġdid l-ekonomiji tal-familji billi l-konsumaturi jingħataw mill-ġdid il-kapaċità tal-akkwist. Dan il-pjan jikkumpensa għat-telf u t-tnaqqis li batew minnhom matul il-kriżi ekonomika, bħala kontrabilanċ ġust għas-salvataġġ tal-banek li minnu gawdew l-istituzzjonijiet finanzjarji. Dan ikun iżjed konformi mad-dispożizzjonijiet tal-punt 5 fil-linji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1999 dwar il-ħarsien tal-konsumaturi li jgħidu li l-politiki għall-promozzjoni tal-konsum sostenibbli għandhom iqisu l-għanijiet li jinqered il-faqar, jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tal-membri kollha tas-soċjetà, u li jitnaqqsu l-inugwaljanzi kemm fil-pajjiżi kif ukoll bejniethom.

4.16

Barra minn hekk, bil-għan li jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Artikolu 34(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Unjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri li jiżguraw eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti.

4.17

Fl-aħħar nett, ikun interessanti li jsiru studji u riċerka dwar il-fatturi li jiddeterminaw u jagħmlu possibbli d-dgħufija ekonomika tal-konsumaturi.

4.18

Fost il-fatturi li jistgħu jxekklu l-funzjonament tas-suq intern insibu l-kwistjoni tal-vjolenza ekonomika kontra l-konsumaturi meta jidħlu f'xi kuntratt minħabba s-sitwazzjoni żbilanċjata u ta' subordinazzjoni li jinsabu fiha. Din il-pożizzjoni tista' taffettwa r-rieda tal-konsumatur u tikkostitwixxi nuqqas ta' qbil meta jiġu konklużi l-kuntratti tal-konsumaturi. F'dawn il-kundizzjonijiet, il-konsumaturi jiġu imposti kuntratti li ma jkunux verament iridu jiffirmaw jew jaċċettaw, jew klawżoli li jkun fihom imposti sproporzjonati li ma kinux ser jaċċettaw b'mod volontarju fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom.

4.19

Il-KESE għandu jirrifletti dwar dan in-nuqqas li jolqot il-kunsens tal-konsumaturi għall-kuntratti u dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li xxekkel it-tħaddim tas-suq intern. L-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni għandhom jagħtuha l-attenzjoni li jistħoqqilha u jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu lill-konsumaturi milli jġarrbu vjolenza ekonomika fil-kuntratti minħabba l-pożizzjoni tagħhom ta' inferjorità.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Parametru tal-istatistika żviluppat min-Nazzjonijiet Uniti u l-Università ta' Oxford fl-2010 biex jitkejlu s-sura u l-intensità tal-faqar.

(2)  ĠU L 84, 20.3.2014, p. 42

(3)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 89

(4)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 86

(5)  Investigati mit-taqsima ta' kontra t-traffikar ta' prodotti illeċti tal-Interpol (Operazzjoni Opson).

(6)  “Over the counter” huma mediċini mibjugħin liberament, mingħajr riċetta.

(7)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 23

(8)  Din hija għodda ta' marketing li sservi ta' sistema flessibbli għall-iffissar tal-prezzijiet skont l-offerta u d-domanda f'mument partikolari peress li l-konsumatur jemmen li huwa roħs meta fil-fatt ma jkunx.

(9)  ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22

(10)  ĠU C 271, 9.9.2013, p. 61

(11)  ĠU C 311, 12. 9.2014, p. 38


APPENDIĊI

għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

a)   Punt 1.3

Ibdel it-test kif ġej:

Barra minn hekk, minħabba l-kriżi ekonomika qed tiġi nnutata tendenza ġenerali u li qed tkompli ta' dgħajjif gradwali tal-qagħda ekonomika tal-konsumaturi potenzjali li tagħti x'tifhem li dan it-tnaqqis fil-konsum jista' jkompli jikber. S'issa s-setgħat pubbliċi għadhom ma pproponewx miżuri sistematiċi biex jiġi evitat li l-konsumaturi jbatu minn dan id-deterjorament fil-ġejjieni qrib u jiġu protetti minnu.

Raġuni

We need to define what is being weakened.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

49

Kontra:

86

Astensjonijiet:

3

b)   Punt 3.5

Ibdel it-test kif ġej:

Jista' jkun hemm prattiki kummerċjali abbużivi li – sabiex jitnaqqsu l-prezzijiet drastikament – jipproponu l-bejgħ ta' prodotti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti biex jitqiegħdu fis-suq u l-istess jista' jiġri f'dak li jirrigwarda l-forniment ta' servizzi. Għaldaqstant, iridu jiġu adottati l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiġi evitat, fejn ikun il-każ, il-bejgħ illegali ta' dawn il-prodotti, b'intervent attiv u viġilanti min-naħa tal-Istati Membri. Kif indika l-KESE  (1) , għandha tiżdied il-kooperazzjoni bejn il-korpi nazzjonali kompetenti u l-Kummissjoni billi tiġi approvata r-reviżjoni tar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti, li għandha tidħol fis-seħħ minnufih.

Raġuni

The sale of goods/services which do not meet the requirements to be placed on the market cannot be sold so any sale of such goods/services is illegal.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

42

Kontra:

77

Astensjonijiet:

14

Dawn il-punti tal-opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata ġew immodifikati biex jirriflettu l-emendi adottati mill-Assemblea, iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

c)   Punt 4.9

Fi ftit kliem, dawn huma azzjonijiet relatati max-xenarji ekonomiċi, finanzjarji u tal-impjieg, u max-xenarji dovuti għall-impatt negattiv li jista' jkollhom it-teknoloġiji ġodda fuq l-aċċess għas-suq tal-prodotti u s-servizzi, fil-qafas tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi u tal-utenti. Għandhom jiġu inklużi wkoll ir-reklamar u l-marketing li jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet li jmorru kontra s-sitwazzjoni li jkunu jinsabu fiha l-konsumaturi, jew inkella li jgħawġu l-kriterji tagħhom tax-xiri.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

60

Kontra:

58

Astensjonijiet:

9

d)   Punt 4.14 (punt ġdid 4.15)

Il-miżuri ta' rkupru jinkludu dawk kollha li jippromovu mezzi alternattivi biex tingħeleb is-sitwazzjoni ta' dgħufija ekonomika fil-kuntest ta' dak li jista' jsir attwalment. Dan ikun iżjed konformi mad-dispożizzjonijiet tal-punt 5 fil-linji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1999 dwar il-ħarsien tal-konsumaturi li jgħidu li l-politiki għall-promozzjoni tal-konsum sostenibbli għandhom iqisu l-għanijiet li jinqered il-faqar, jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tal-membri kollha tas-soċjetà, u li jitnaqqsu l-inugwaljanzi kemm fil-pajjiżi kif ukoll bejniethom.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

66

Kontra:

63

Astensjonijiet:

11


(1)  Opinjoni dwar “Is-sorveljanza tal-prodotti” – ĠU C 271, 19.9.2013, p. 86


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/10


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “In-nisa fix-xjenza”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 012/02)

Relatur:

is-Sinjura Vareikytė

Nhar it-22 ta' Jannar 2014, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

In-nisa fix-xjenza

Opinjoni fuq inizjattiva proprja.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta' Settembru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'169 vot favur, vot 1 (wieħed) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-futur tal-Unjoni Ewropea jiddependi mir-riċerka u l-innovazzjoni u l-Ewropa għandha bżonn miljun riċerkatur ieħor sal-2020 biex tibqa' kompetittiva fid-dinja. Ir-riċerka tista' toħloq ukoll 3,7 miljun impjieg u żżid il-PDG annwali tal-UE b'EUR 795 biljun sal-2025 jekk, sal-2020, ikun intlaħaq l-għan ta' investiment ta' 3 % tal-PDG tal-UE fir-riċerka u l-iżvilupp (1).

1.2

Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel huma impenn tal-UE fl-oqsma ta' politika kollha tagħha, inklużi r-riċerka u l-innovazzjoni. Id-data disponibbli fil-livell Ewropew juru disparità qawwija bejn in-nisa u l-irġiel fis-settur Ewropew tar-riċerka (2).

1.3

Il-bilanċ bejn il-ġeneri huwa essenzjali għal sistema tar-riċerka li topera tajjeb. L-Istati Membri u l-UE għandhom jużaw il-kapital uman kollu għad-dispożizzjoni tagħhom biex jilħqu l-għanijiet ta' politika tagħhom għar-riċerka.

Lill-Kummissjoni Ewropea:

1.4

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi rakkomandazzjoni lill-Istati Membri li jkun fiha linji gwida komuni dwar it-tibdil istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka, kif tħabbar fil-Komunikazzjoni tal-2012 dwar Żona Ewropea tar-Riċerka.

1.5

Din ir-rakkomandazzjoni għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ineħħu l-ostakli legali u ostakli oħrajn għar-reklutaġġ, iż-żamma u l-progress fil-karriera tar-riċerkaturi nisa, jindirizzaw l-iżbilanċi bejn l-irġiel u n-nisa fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u jsaħħu d-dimensjoni tal-ġeneri fil-programmi tar-riċerka.

1.6

Il-Kumitat jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa u timplimenta programmi ta' sensibilizzazzjoni bl-għan li jitħajru aktar tfajliet fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, u aktar nisa fir-riċerka.

1.7

Għandu jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn id-direttorati rilevanti tal-Kummissjoni (DĠ Edukazzjoni u Kultura u DĠ Riċerka u Innovazzjoni)

1.8

Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li jsir ġbir u tixrid ta' data disaggregati skont il-ġeneru marbutin mar-riċerka u l-innovazzjoni fi ħdan il-qafas tal-Eurostat.

Lill-Istati Membri:

1.9

L-Istati Membri għandhom jimmiraw li jtejbu l-oqfsa legali u ta' politika tagħhom għall-ugwaljanza tal-ġeneri fir-riċerka, abbażi tar-rakkomandazzjonijet stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar Żona Ewropea tar-Riċerka u fil-programm Orizzont 2020.

1.10

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li n-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp tilħaq it-3 % tal-PDG, il-livell stabbilit fl-Istrateġija Ewropa 2020.

1.11

L-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu l-Fondi Strutturali Ewropej u l-iskemi ta' finanzjar oħrajn disponibbli għal inizjattivi ta' tibdil istituzzjonali, b'konformità mal-Komunikazzjoni dwar Żona Ewropea tar-Riċerka.

1.12

L-evalwazzjoni, l-akkreditament u l-iffinanzjar tal-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka għandhom ikunu marbutin mal-prestazzjoni tagħhom dwar l-ugwaljanza tal-ġeneri.

1.13

L-Istati Membri, flimkien mal-istituzzjonijiet tar-riċerka pubbliċi/nazzjonali u l-imsieħba soċjali, għandhom jistħarrġu metodi kif jiżguraw bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata billi jiżviluppaw u jimplimentaw politiki favur il-familji, kemm għar-riċerkaturi nisa kif ukoll dawk irġiel.

1.14

L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw u jsaħħu d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka, in-negozji u l-imsieħba soċjali relatati.

Lill-partijiet interessati tar-riċerka:

1.15

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet biex jassiguraw il-bilanċ tal-ġeneri fit-teħid ta' deċiżjonijiet, l-għażla u dipartimenti rilevanti oħrajn.

1.16

L-isforzi għall-ugwaljanza tal-ġeneri għandhom jiddaħħlu fil-proċessi ta' ppjanar tal-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet u d-dipartimenti rispettivi tagħhom.

1.17

Il-Kumitat jappella għal aktar djalogu mal-pubblikaturi u l-edituri ta' pubblikazzjonijiet xjentifiċi sabiex jitneħħa l-preġudizzju fir-rappreżentanza tal-ġeneri u jiżdiedu l-kontributi minn xjentisti nisa f'pubblikazzjonijiet xjentifiċi, editorjali, analiżijiet u artikoli dwar stħarriġ.

2.   Ħarsa ġenerali lejn il-qagħda attwali  (3)

2.1

Fl-2005, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa il-mira li n-nisa jkunu jokkupaw 25 % fil-pożizzjonijiet ewlenin tar-riċerka fis-settur pubbliku. Madankollu, id-disparità bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet hija persistenti: fl-2010, in-nisa kienu jirrappreżentaw biss 15,5 % tal-kapijiet ta' istituzzjonijiet u 10 % tar-retturi fis-settur tal-edukazzjoni għolja.

2.2

Għadha tippersisti wkoll is-segregazzjoni orizzontali f'għadd ta' setturi ekonomiċi u oqsma tax-xjenza differenti. Il-proporzjon ta' nisa fost ir-riċerkaturi fis-setturi tal-edukazzjoni għolja u tal-gvern huwa ogħla minn dak fis-settur tal-intrapriża. Madwar l-UE, il-proporzjon ta' nisa fost il-professuri (grad A) huwa l-ogħla fl-istudji umanistiċi u x-xjenzi soċjali (28,4 % u 19,4 % rispettivament), u l-aktar baxx fl-inġinerija u t-teknoloġija (7,9 %).

2.3

Il-karrieri akkademiċi tan-nisa għadhom ukoll karatterizzati minn segregazzjoni vertikali notevoli. Fl-2010, il-proporzjon ta' studenti (55 %) u gradwati (59 %) nisa kien ogħla minn dak tal-irġiel, iżda kien hemm iktar irġiel fost l-istudenti u l-gradwati b'PhD (il-proporzjon ta' studenti nisa kien 49 % u dak tal-gradwati b'PhD nisa 46 %). Barra dan, in-nisa kienu jirrappreżentaw 44 % fil-grad C tal-persunal akkademiku, 37 % fil-grad B u 20 % biss fil-grad A. In-nuqqas ta' rappreżentanza ta' nisa huwa ħafna aktar qawwi fix-xjenza u l-inġinerija, fejn jikkostitwixxu 33 % biss tal-persunal akkademiku fil-grad C, 23 % fil-grad B u 11 % biss fil-grad A (4).

2.4

Element ewlieni biex tintlaħaq ugwaljanza bejn il-ġeneri jibqa' li persuna jrid ikollha bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. M'hemmx sempliċiment “saqaf tal-ħġeiġ” imma anke “ħajt matern” li jxekkel il-karriera ta' riċerkaturi nisa, peress li n-nisa għadhom jwettqu l-parti l-kbira tal-kura u x-xogħol fid-dar.

2.5

Ostakli u tfixkil ieħor kritiku għar-reklutaġġ, iż-żamma u l-avvanz tan-nisa fis-sistema xjentifika Ewropea jinkludu: nuqqas ta' demokrazija u trasparenza fil-proċessi ta' reklutaġġ u ta' promozzjoni, preġudizzju abbażi tal-ġeneru fl-evalwazzjoni tal-prestazzjoni, nuqqas ta' trasparenza fil-korpi responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet u sterjotipi persistenti tat-tfajliet/nisa u x-xjenza. L-istituzzjonijiet Ewropej tar-riċerka għad għandhom bżonn jimmodernizzaw sostanzjalment biex jipprovdu l-kundizzjonijiet strutturali għal opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel.

3.   Il-benefiċċji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-riċerka u l-innovazzjoni

3.1

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma xpruni ewlenin għat-tkabbir ekonomiku Ewropew u l-Ewropa għandha bżonn miljun riċerkatur ieħor sal-2020 biex tibqa' kompetittiva fid-dinja. Ir-riċerka u l-innovazzjoni mhumiex biss prerekwiżiti biex l-UE ssir soċjetà bbażata fuq l-għarfien, iżda dawn jistgħu joħolqu wkoll 3,7 miljun impjieg u jżidu l-PDG annwali tal-UE b'EUR 795 biljun sal-2025 jekk, sal-2020, ikun intlaħaq l-għan ta' investiment ta' 3 % tal-PDG tal-UE fir-riċerka u l-iżvilupp (5).

3.2

Il-bilanċ bejn il-ġeneri huwa essenzjali għal sistema tar-riċerka li topera tajjeb. L-Istati Membri u l-UE b'mod globali għandhom jużaw il-kapital uman kollu għad-dispożizzjoni tagħhom, f'termini ta' talent u riżorsi, biex jilħqu l-għanijiet tal-politika tagħhom għar-riċerka. L-isfruttar tal-potenzjal kollu tal-ħiliet, l-għarfien u l-kwalifiki tan-nisa se jikkontribwixxi għal iktar tkabbir, żieda fl-impjiegi u l-kompetittività Ewropea, ilkoll xpruni ewlenin għal ekonomija prospera.

3.3

Sabiex ir-riċerka ta' kwalità għolja tkun rilevanti għas-soċjetà, għandhom jitqiesu numru ta' soluzzjonijiet differenti. Dan jiġi assigurat bl-aħjar mod meta l-komunitajiet ta' riċerka jkunu diversifikati, u meta jkunu kapaċi jikkooperaw bejn u fi ħdan dixxiplini differenti. Ir-riċerka u l-edukazzjoni huma parti integrali għat-tfassil tal-politika u l-amministrazzjoni pubblika, u jikkontribwixxu għal dibattitu pubbliku iktar kritiku, diversifikat u miftuħ (6).

3.4

Barra minn hekk, jekk ikunu impjegati aktar nisa fis-settur tar-riċerka jiżdiedu r-riżorsi tal-għarfien, titjieb il-kwalità tal-produzzjoni tal-għarfien, u s-settur isir aktar sod u kompettitiv. Studji jissuġġerixxu li l-gruppi ta' riċerka mħallta huma aktar robusti u innovattivi mill-gruppi omoġenji (7), u li d-diversità tal-għarfien u tal-kapital soċjali fil-gruppi hija importanti biex jinħolqu ideat ġodda (8). Barra minn hekk, l-innovazzjonijiet abbażi tal-ġeneru fix-xjenza, il-mediċina, l-inġinerija u l-ambjent jagħmlu użu mill-analiżi relatata mas-sessi u l-ġeneri bħala riżorsa li tħeġġeġ ideat, servizzi u teknoloġiji ġodda (9).

3.5

Tqabbil tal-indiċijiet tal-ġeneri tal-Istati Membri jagħti wieħed x'jifhem li l-pajjiżi b'riżultati ogħla fl-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (Gender Equality Index – GEI) għandhom tendenza li jonfqu perċentwal akbar tal-PDG tagħhom għar-riċerka u l-iżvilupp, u dawn jiksbu wkoll riżultati aħjar fl-innovazzjoni.

3.6

L-integrazzjoni tal-analiżi tal-ġeneri fil-kontenut tar-riċerka u l-innovazzjoni tassigura li r-riċerka, kif ukoll l-innovazzjonijiet tal-lum, ikunu jieħdu kunsiderazzjoni adegwata tal-ħtiġiet, l-imġiba u l-attitudnijiet tan-nisa, kif ukoll dawk tal-irġiel. L-istudji juru li l-integrazzjoni tal-analiżi tas-sessi u l-ġeneri żżid ir-rilevanza u l-kwalità tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan iġib valur miżjud għas-soċjetà u għan-negozju għax ir-riċerka ssir sensittiva għal bażi ta' utenti wiesgħa u varjata, u jinħolqu proċessi ta' innovazzjoni aktar inklużivi, kif muri mill-proġett 'Gendered Innovation' (10).

4.   Azzjonijiet ta' politika Ewropea

4.1

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi rakkomandazzjoni lill-Istati Membri li jkun fiha linji gwida komuni dwar it-tibdil istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka, kif tħabbar fil-Komunikazzjoni tal-2012 dwar Żona Ewropea tar-Riċerka. Din ir-rakkomandazzjoni għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ineħħu l-ostakli legali u ostakli oħrajn għar-reklutaġġ, iż-żamma u l-progress fil-karriera tar-riċerkaturi nisa, jindirizzaw l-iżbilanċi bejn l-irġiel u n-nisa fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u jsaħħu d-dimensjoni tal-ġeneri fil-programmi tar-riċerka. Din għandha tinkludi wkoll lista komprensiva tal-aktar eżempji effiċjenti fil-pajjiżi taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

4.2

Il-Kumitat jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa u timplimenta programmi ta' sensibilizzazzjoni bl-għan li jħajru aktar tfajliet fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, u aktar nisa fir-riċerka, kif ukoll programmi speċjali ta' gwida u assistenza fil-karrieri. Għandu jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn id-direttorati rilevanti tal-Kummissjoni (DĠ Edukazzjoni u Kultura u DĠ Riċerka u Innovazzjoni) Bis-saħħa ta' kooperazzjoni ta' din it-tip jistgħu jsiru sforzi konġunti li jiżguraw riżultati aħjar f'termini ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri, riċerka u edukazzjoni b'mod ġenerali.

4.3

Il-Kummissjoni għandha tiżgura bilanċ bejn il-ġeneri fl-iskemi ta' mobilità tal-UE fl-edukazzjoni u fir-riċerka.

4.4

Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll il-ġbir u t-tixrid ta' data disaggregati skont il-ġeneru rigward ir-riċerka u l-innovazzjoni fi ħdan il-qafas tal-Eurostat, biex jassiguraw indikaturi aktar affidabbli u komparabbli, ġbir ta' data u proċessi ta' monitoraġġ b'inqas xkiel, biex b'hekk jgħinu fl-iżvilupp tal-istrateġija għal wara l-2015 għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

5.   Azzjoni nazzjonali u istituzzjonali

5.1

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jallinjaw il-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-riċerka u l-innovazzjoni mad-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tal-UE fir-rigward taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-programm Orizzont 2020.

5.2

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li n-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp tilħaq it-3 % tal-PDG, il-livell stabbilit fl-Istrateġija Ewropa 2020. Bħalissa, il-medja tan-nefqa tal-UE-28 għar-riċerka u l-innovazzjoni tilħaq it-2,07 % (11), u dan ixekkel it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi, u ma jħallix l-istituzzjonijiet tar-riċerka jużaw il-ġabra sħiħa ta' talenti.

5.3

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw programmi ta' sensibilizzazzjoni mfassla apposta biex iħajru aktar tfajliet fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, u aktar nisa fir-riċerka, minbarra li jibdew billi jippromovu dawn is-suġġetti fl-iskejjel.

5.4

Il-KESE jemmen li waħda mill-aktar miżuri effettivi biex jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni u fir-riċerka tinvolvi l-offerta ta' inċentivi finanzjarji lil istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u r-riċerka li juru progress determinanti biex jassiguraw bilanċ bejn il-ġeneri. L-Istati Membri għandhom jorbtu l-evalwazzjoni, l-akkreditament u l-iffinanzjar tal-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka mal-prestazzjoni tagħhom dwar l-ugwaljanza tal-ġeneri.

5.5

Sabiex jipprovdu bażi soda għat-tibdil strutturali li tant huwa meħtieġ fl-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka fl-Ewropa, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom għandhom jiżviluppaw metodoloġija għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-effiċjenza fl-azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

5.6

L-Istati Membri, flimkien mal-istituzzjonijiet edukattivi u ta' riċerka u l-imsieħba soċjali rispettivi tagħhom, għandhom jistħarrġu mezzi biex jiżguraw bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata billi jiżviluppaw u jimplimentaw politiki favur il-familja kemm għar-riċerkaturi irġiel kif ukoll dawk nisa, bħall-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal, telexogħol, xogħol part-time eċċ.

5.7

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tar-riċerka biex jassiguraw rappreżentanza bilanċjata tal-ġeneri fit-teħid ta' deċiżjonijiet, tal-għażla u korpi rilevanti oħrajn.

5.8

L-isforzi għall-ugwaljanza tal-ġeneri għandhom jiddaħħlu fil-proċessi ta' ppjanar tal-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet u d-dipartimenti rispettivi tagħhom. Għandhom jiġu żviluppati pjani ta' azzjoni fuq kull livell b'rapporti annwali dwar ċifri, miżuri u riżultati fil-mira. Id-dipartimenti għandhom jieħdu sehem attiv fil-proċess u jingħataw responsabbiltà billi jiddeċiedu huma stess l-għanijiet u l-miżuri tagħhom. In-nisa għandhom jipparteċipaw ukoll f'dan l-ippjanar biex jiżguraw li r-riċerkaturi nisa u l-oqsma ta' interess tagħhom ma jintesewx.

5.9

Ix-xjenza u l-innovazzjoni huma l-iktar ta' benefiċċju għan-negozji. L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw u jsaħħu d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka, in-negozji u l-imsieħba soċjali relatati. Djalogu bħal dan jista' jiżgura iktar riċerka marbuta man-negozju u jgħin lill-istituzzjonijiet ta' riċerka jiddiversifikaw il-baġits tagħhom.

5.10

Il-Kumitat jappella għal aktar djalogu mal-pubblikaturi u l-edituri ta' pubblikazzjonijiet xjentifiċi sabiex jitneħħa l-preġudizzju fir-rappreżentanza tal-ġeneri u jiżdiedu l-kontributi minn xjentisti nisa f'pubblikazzjonijiet xjentifiċi, editorjali, analiżijiet u artikoli dwar stħarriġ.

5.11

Id-djalogu għandu jkun żgurat ukoll fost ix-xjenzati ta' ġenerazzjonijiet differenti – b'hekk dan issaħħaħ il-kooperazzjoni fir-riċerka u jipprovdi opportunitajiet ta' tagħlim informali għar-riċerkaturi żgħażagħ.

5.12

It-tmexxija għandha influwenza kbira fuq l-attività ta' riċerka u taqdi rwol essenzjali fl-iżvilupp ta' kwalità. In-nisa kif ukoll l-irġiel għandhom ikunu inklużi fit-taħriġ biex jilħqu pożizzjonijiet ta' livell għoli. Dawk fit-tmexxija għandhom jingħataw taħriġ dwar temi marbutin mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-riċerka, li hija qasam separat ta' kompetenza.

5.13

Il-Kumitat jaqbel mas-sistemi ta' premju internazzjonali jew nazzjonali, bħalma huma l-programm UNESCO-L'Oréal “For Women in Science” (12), “Athena Swan” (13) u inizjattivi oħrajn, peress li dawn mhux biss jinkoraġġixxu lin-nisa jinvolvu ruħhom f'attivitajiet xjentifiċi u jħajru lill-istituzzjonijiet jimplimentaw tibdil strutturali, iżda jsiru wkoll għodda ta' komunikazzjoni effettiva għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

6.   Eżempji ta' politika tal-persunal u miżuri ta' organizzazzjoni

6.1

Waħda mill-miżuri użati għall-promozzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri kienet l-azzjoni pożittiva moderata, kif provdut mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-limiti stabbiliti mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Din l-azzjoni tippermetti li jingħataw prijorità dawk l-applikanti tal-ġeneru b'inqas minn 40 % tal-impjegati fl-istess kategorija ta' impjieg, f'każ li l-għadd ta' applikanti jkollhom l-istess kwalifiki.

6.2

L-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet għandhom żewġ metodi kif jistgħu jegħlbu l-preġudizzju abbażi tal-ġeneru fir-reklutaġġ tal-persuni. L-ewwel wieħed huwa li jiġu stabbiliti linji gwida sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri ta' ħatra jkunu sorveljati mill-bord tal-fakultà, l-ombudsman għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jew minn korp ieħor responsabbli. It-tieni approċċ huwa li l-fakultajiet jintalbu jirrapportaw dwar ir-reklutaġġ sabiex tkun tista' tinġabar statisitika abbażi tal-ġeneru, dwar min japplika għal impjieg, dawk li jidhru fil-lista prijoritarja u dawk li jiġu impjegati. Huwa importanti li tiġi miġġielda l-informalità fil-prattiki tal-ħatra, għaliex din għandha t-tendenza li taħdem favur l-irġiel. Dan jinkludi “stediniet informali” biex wieħed japplika għall-pożizzjonijiet, u r-reklamar għall-impjieg b'mod li jkun iktar adattat għall-kwalifiki u l-esperjenza tal-irġiel.

6.3

Jistgħu jitwaqqfu programmi mfassla apposta u ċentri għall-indukrar tat-tfal. Dan jista' jintuża fir-reklamar għall-impjiegi biex jattiraw l-applikanti. L-offerta ta' żieda fakultattiva għal perjodu ta' fellowship wara l-liv tal-ġenituri hija wkoll effettiva biex tattira applikanti miż-żewġ sessi.

6.4

Għadd ta' pajjiżi Ewropej stabbilixxew bażijiet tad-data separati ta' xjentisti u esperti nisa. Dawn huma partikolarment utli meta jkun hemm bżonn xjenzat partikolari jew xjenzat b'ħiliet speċifiċi għal tim ta' riċerka jew korp istituzzjonali fejn in-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed.

6.5

Id-dimensjoni tal-ġeneri fil-baġits għandha tiġi promossa sabiex tiżgura valutazzjoni tal-baġits u tqassim tar-riżorsi b'attenzjoni għall-ġeneri. Dan jimplika l-introduzzjoni ta' perspettiva tal-ġeneri fil-livelli kollha tal-proċess baġitarju, u b'hekk ikun possibbli li tiġi monitorjata l-ugwaljanza u li jsiru interventi meqjusa u mmirati.

6.6

Jistgħu jiġu stabbiliti fondi nazzjonali u/jew istituzzjonali speċjali sabiex jingħata appoġġ lil riċerkaturi nisa f'oqsma fejn il-proporzjon tan-nisa huwa baxx. Barra dan, l-istituzzjonijiet u/jew dipartimenti li jinsabu f'ħidma attiva biex jippromovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li juru riżultati tajbin jistgħu jiġu premjati permezz ta' diversi programmi ta' inċentivi.

6.7

Il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-pożizzjonijiet ta' tmexxija u l-kumitati jista' jittejjeb jekk id-dipartimenti jiġu inkoraġġuti jistiednu xjentisti nisa minn pajjiżi terzi bħala professuri mistiedna u bħala membri ta' kumitat.

6.8

L-impjegaturi għandhom joqogħdu lura milli jitolbu livell għoli ta' speċjalizzazzjoni meta joħorġu l-avviżi dwar fellowships ta' riċerka u ta' post-dottorat fir-riċerka, biex b'hekk iħajru aktar applikanti u jevitaw milli jkollhom lista qasira ta' kandidati kmieni wisq.

6.9

Il-kumitati ta' ħatra kollha għandu jkollhom membri nisa u jkollhom bilanċ tal-ġeneri. Dan jista' jgħin fl-applikazzjonijiet u l-aċċettazzjoni ta' applikanti nisa.

6.10

Is-sensibilizzazzjoni dwar id-dimensjoni tal-ġeneri u l-għarfien dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandhom ikunu inklużi fil-programmi ta' taħriġ tal-maniġment. Il-kwalifiki fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri jistgħu jservu ta' kriterju fil-mili ta' postijiet maniġerjali u jistgħu jkunu parti minn evalwazzjoni tal-maniġment (14).

6.11

Huwa essenzjali li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi monitorjata permezz ta' indikaturi adatti fir-rigward tar-riżorsi umani u l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji. Il-ġbir ta' data għal dan l-iskop għandu għaldaqstant jiżgura li jkun konformi mad-diżaggregazzjoni skont il-ġeneru.

6.12

Il-gruppi ta' riċerka għandhom effett ta' stimolu fuq l-ambjent ta' riċerka. Studji urew li l-gruppi li fihom persuni minn oqsma tal-ħajja differenti għandhom aktar probabbiltà li jilħqu perspettiva usa' tar-riċerka. L-istudji juru wkoll li l-ħolqien ta' gruppi ta' riċerka mħallta jġib miegħu kundizzjonijiet aħjar għall-kreattività u l-innovazzjoni, u jżid il-frekwenza ta' pubblikazzjonijiet (15).

6.13

Il-pakketti ta' tnedija (li jikkonsistu f'fondi biex jitmexxew proġetti, jinxtara tagħmir u jitħallsu s-salarji għall-assistenti tar-riċerka) jistgħu jagħmluha eħfef għan-nies li jkunu għadhom kif inħatru biex jistabilixxu ruħhom bħala riċerkaturi. L-esperjenza turi li n-nisa ma jinnegozjawx tajjeb daqs l-irġiel fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-riċerka. Il-pakketti ta' tnedija jippruvaw jindirizzaw dan, u għandhom jiġu kkunsidrati.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  P. Zagamé, L. Soete, “The cost of a non-innovative Europe”, 2010.

(2)  Ħarsa ġenerali lejn il-qagħda attwali tinsab fit-tieni parti tad-dokument.

(3)  Sors tad-data ta' statistika fit-tieni parti: “She Figures 2012: Gender in Research and Innovation”, Kummissjoni Ewropea, 2013.

(4)  Il-gradi A, B u C jirrappreżentaw il-livell tal-pożizzjoni fl-istituzzjoni – livell għoli, medju u baxx rispettivament.

(5)  P. Zagamé, L. Soete, “The cost of a non-innovative Europe”, 2010.

(6)  Women in science, Norway, 2010.

(7)  Campbell LG, Mehtani S, Dozier ME, Rinehart J, “Gender-Heterogeneous Working Groups Produce Higher Quality Science”, 2013.

(8)  http://www.genderinscience.org.uk/consensus.report.html

(9)  Rapport mill-Grupp ta' Esperti dwar “L-innovazzjoni permezz tal-ġeneri”, Kummissjoni Ewropea, 2013.

(10)  Rappport mill-Grupp ta' Esperti dwar l-“Innnovazzjoni permezz tal-ġeneru”, il-Kummissjoni Ewropea, 2013.

(11)  EUROSTAT, 2012.

(12)  http://www.loreal.com/Foundation/Article.aspx?topcode=Foundation_AccessibleScience_WomenExcellence

(13)  http://www.athenaswan.org.uk

(14)  IDAS – programm nazzjonali ta' żvilupp tal-maniġment li għandu l-għan li jżid l-għadd ta' nisa f'pożizzjonijiet akkademiċi ogħla fl-universitajiet u fil-kulleġġi universitarji Żvediżi.

(15)  “The Scientist”, 7 ta' Novembru 2005 u “Science”, Vol. 309, 2005.


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/16


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp tas-servizzi għall-familja biex ir-rata tal-impjiegi tiżdied u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fix-xogħol”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 012/03)

Relatur:

is-Sinjura Ouin

Nhar is-26 ta' Frar 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

L-iżvilupp tas-servizzi għall-familja biex ir-rata tal-impjiegi tiżdied u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fix-xogħol.”

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-30 ta' Settembru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tas-16 ta' Ottubru 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’141 vot favur, 17-il vot kontra u 16-il astensjoni.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1

Għall-Unjoni Ewropea:

Promozzjoni tal-iskambji tal-prattiki tajbin, titjib tal-għarfien statistiku.

It-twaqqif ta' sett ta' rakkomandazzjonijiet għall-imsieħba soċjali, ibbażati fuq it-tqabbil tal-impjiegi newtrali f'termini tal-ġeneru.

L-organizzazzjoni ta' premju għall-innovazzjoni għall-intraprenditorija fil-qasam tas-servizzi għall-familja.

Il-promozzjoni tal-innovazzjoni soċjali permezz tal-iżvilupp ta' servizzi tal-familja, irrispettivament mill-forma li jieħdu dawn is-servizzi.

1.2

Għall-Istati Membri:

Ir-ratifika tal-Konvenzjoni 189 tal-ILO.

Il-legalizzazjoni tax-xogħol mhux iddikjarat permezz tal-għajnuna fiskali u ta' sistemi sempliċi ta' dikjarazzjoni biex l-impjieg mal-familji jsir bħal impjiegi oħra.

Il-ġlieda kontra l-istereotipi sabiex il-kompiti tal-kura u x-xogħol domestiku jsiru għal kull ġeneru.

It-twaqqif ta' qafas ġenerali biex jinkoraġġixxi l-ħolqien u l-iżvilupp ta' servizzi professjonali għall-familja, fir-rispett tal-ispeċifiċitajiet u l-prattiki kulturali ta' kull Stat Membru.

L-eliminazzjoni tal-ostakoli legali li bħalissa jillimitaw b'mod konsiderevoli l-impjieg dikjarat mill-familji.

1.3

Għall-imsieħba soċjali:

l-approvazzjoni ta' diplomi u ċertifikati ta' kwalifiki li jinkludu l-validazzjoni tal-esperjenzi miksuba matul impjieg fi djar privati ta' familji differenti.

in-negozjar ta' ftehimiet kollettivi u tabelli ta' klassifikazzjoni tal-impjiegi li jintegraw il-ħiliet kollha, inklużi dawk psikoloġiċi u relazzjonali.

1.3.1

Għall-intraprendituri:

Ħolqien ta' intrapriżi u kooperattivi biex jipproponu servizzi għall-familji u jagħtu status ta' impjegati għall-ħaddiema.

1.3.2

Għat-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u l-kumitati tal-intrapriżi:

Il-promozzjoni tar-reputazzjoni tas-servizz għall-familji u l-iżvilupp tal-impjiegi f'dawn l-oqsma.

Il-promozzjoni tat-taħriġ tal-persuni kkonċernati u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet akkwistati.

L-isforz għall-ħolqien u l-implimentazzjoni tal-istrutturi biex is-servizzi għall-familja jiġu raggruppati mill-ġdid u organizzati, b'tali mod li jiġu rispettati t-tradizzjonijiet u d-differenzi li jeżistu bejn il-pajjiżi.

L-organizzazzjoni tar-rappreżentanza tal-ħaddiema domestiċi u ta' min iħaddem.

Fil-qafas tal-miżuri favur l-ugwaljanza professjonali, it-talba għal servizzi li joħolqu l-impjiegi u n-negozjazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja tal-intrapriżi li jippromovu r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja familjari għal kulħadd.

2.   Kuntest

2.1

Din l-opinjoni tittratta biss is-servizzi u l-impjiegi domestiċi privati tal-familji u mhux is-servizzi kollha (skejjel tat-trabi, djar tal-anzjani, kċejjen fl-iskejjel, ċentri li jżommu t-tfal wara l-iskola, eċċ). L-iżvilupp u l-professjonalizzazzjoni tal-impjieg domestiku huwa strateġiku għall-ugwaljanza professjonali minħabba li dawk li jaħdmu f'dan il-qasam huma l-aktar nisa, kif ukoll dawk li jeħtieġu s-servizzi tal-kura tat-tfal, l-assistenza għall-anzjani u t-tindif tal-akkomodazzjoni huma l-aktar nisa biex dawn ikunu jistgħu iżommu l-pass mal-irġiel fil-karrieri tagħhom. Dawn is-servizzi huma ta' benefiċċju għall-individwi u s-soċjetà kollha kemm hi. Dawn joħolqu impjiegi ġodda, jilħqu l-ħtiġijiet ta' soċjetà li qed tixjieħ u jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja privata u professjonali. Dawn is-servizzi jtejbu l-kwalità tal-ħajja u l-inklużjoni soċjali, waqt li jippromovu l-kura tal-anzjani fid-dar.

2.2

B'rabta mas-servizzi għall-familja, madankollu għandha ssir distinzjoni bejn tliet oqsma importanti: il-manutenzjoni tad-djar, l-indukrar tat-tfal u l-kura tal-morda, ta' persuni b'diżabbiltà severa u tal-anzjani. Tkun ħaġa opportuna li ssir differenza f'dawn l-oqsma fejn il-ħiliet u l-kwalifiki mitluba huma xi ftit differenti, għalkemm marbuta ma' xulxin, skont il-pajjiż, l-istrutturi istituzzjonali u organizzattivi għall-oqsma jew is-servizzi differenti u għandhom l-istess kundizzjoni u statut bħall-perċezzjoni tal-persuni li jagħtu dawn is-servizzi.

2.3

Għandu jiġi nnotat li parti kbira mill-għajnuna għall-familji bħalissa ssir minn ħaddiema mhux iddikjarati, li huwa ta' detriment għalihom stess kif ukoll għall-familji u għall-Istati.

2.4

Biex is-servizzi għall-familja jiżviluppaw, jeħtieġ li jsir sforz biex jiġu valutati mill-ġdid u hemm bżonn it-tnaqqis tal-piż tat-tradizzjoni li jwassal li dan l-impjieg, li għadu jsir min-nisa bla ħlas fid-dar, xorta jibqa' kkunsidrat bħala wieħed bi kwalifiki baxxi.

2.5

Fost il-kundizzjonijiet biex dawn l-impjiegi jiżviluppaw hemm li dawn joħorġu mill-oskurità, isiru professjonali, impjiegi ġenwini, b'kuntratti tax-xogħol, taħriġ, ħarsien soċjali, progress fil-karriera, drittijiet indaqs meta mqabbla ma' dawk ta' impjegati oħra.

2.6

Il-KESE diġà għamel rakkomandazzjonijiet pertinenti għall-iżvilupp tas-settur tas-servizzi għall-persuni (1), għall-professjonalizzazzjoni tax-xogħol domestiku (2), għall-ġlieda kontra l-ekonomija informali u x-xogħol mhux iddikjarat (3) u dwar l-impatt tal-investiment soċjali (4), li ser isir biss aċċenn għalihom hawnhekk.

2.7

L-Istrateġija UE 2020 għandha bħala għan rata ta' impjieg ta' 75 % għall-irġiel u n-nisa bejn il-25 u l-65 sena. Il-progress fir-rata tal-impjieg fost in-nisa llum iwassal ukoll għall-kwistjoni tar-responsabbiltajiet fil-familja. Fl-istess ħin, l-għan tal-ugwaljanza professjonali huwa influwenzat mil-livell baxx ta' impenn tal-irġiel f'dawn l-istess responsabbiltajiet familjali. L-istrateġija qed tiffaċċja miżuri ta' awsterità li jnaqqsu l-infiq pubbliku fuq servizzi relatati mal-kura, li fil-biċċa l-kbira jimpjegaw lin-nisa, u dan jirriżulta f'żieda fir-responsabbiltajiet ta' kura fil-familja. Dan it-tnaqqis fil-forniment ta' infrastruttura għall-kura f'ħafna Stati Membri u l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel fit-tqassim tad-dmirijiet bla ħlas fid-dar u dawk domestiċi, qed ixekklu l-għan tal-ugwaljanza professjonali.

2.8

L-inugwaljanza professjonali bejn l-irġiel u n-nisa titkejjel bid-differenza fis-salarji u l-konċentrazzjoni tan-nisa f'ċerti oqsma professjonali (nuqqas ta' taħlit fl-impjiegi) u tal-irġiel f'oqsma oħra. L-iżvilupp tas-servizzi għall-familji jippermetti li tiżdied ir-rata ta' impjieg fost in-nisa full-time, l-aċċess għat-taħriġ professjonali u progressjoni aħjar fil-karrieri, kemm għal min jipprovdi kif ukoll għal min jirċievi s-servizzi.

2.9

Il-ħolqien ta' impjiegi fis-servizzi domestiċi għall-familji, li l-kwalifiki u l-ħiliet tagħhom ikunu rikonoxxuti b'salarji aħjar u inqas prekarjetà jippermetti wkoll li jiġu attratti rġiel f'dawn il-professjonijiet. Hemm bżonn li tiġi indirizzata wkoll l-edukazzjoni tat-tfal biex ma jħarsux lejn dan ix-xogħol bħala kompitu tan-nisa.

2.10

L-iżvilupp ta' dawn is-servizzi jista' jwassal għall-ħolqien ta' miljuni ta' impjiegi. Jekk kull familja testernalizza siegħa kull ġimgħa mix-xogħol domestiku, wieħed ikun jista' joħloq 5,5 miljun impjieg (5). Hemm ukoll potenzjal għall-innovazzjoni soċjali u teknoloġika. Hekk kif il-popolazzjoni tixjieħ u jonqsu s-servizzi soċjali għall-familji, il-ħtiġijiet qed jiżdiedu. F'dan ir-rigward, huwa kruċjali li tkun enfasizzata l-libertà ta' għażla tal-familji biex jinstabu modi xierqa sabiex jirrispondu għal dawn il-bżonnijiet tal-familja li qed jinbidlu.

3.   L-iżvilupp ta' servizzi fid-djar privati biex jirrikonċiljaw ix-xogħol u l-ħajja tal-familja

3.1

Kull familja għandha dar u ħwejjeġ x'taħsel, ikel xi tħejji, tfal x'tieħu ħsieb, ġenituri anzjani jew morda li jridu jiġu ndukrati. Spiss il-mara jkollha taħdem part-time biex tlaħħaq ma' dawn il-kompiti, b'detriment għall-professjoni li tkun tħarrġet għaliha jew għall-ħin biex titħarreġ.

3.2

Iżda li persuna tirrikorri għas-servizzi mhix xi ħaġa spontanja, għax mhux naturali li dan ix-xogħol tiddelegah lil oħrajn, jew għax mhux faċli ddaħħal lil xi ħadd f'darha jew fuq kollox għax il-prezz tas-servizzi huwa għoli wisq.

3.3

Dawn is-servizzi għall-familji bħalissa ħafna drabi jsiru minn nisa, huma mħallsa ħażin, huma spiss mhux iddikjarati u huma sitwazzjonijiet ta' impjieg prekarju, jew isiru minn immigrati fosthom uħud li jaħdmu illegalment. Il-konċentrazzjoni tan-nisa fix-xogħlijiet marbutin mat-tindif, il-kura u l-edukazzjoni jsaħħu sterjotipi stabbiliti li jaġixxu ta' ostaklu għal xi irġiel, iwasslu għal inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jkomplu jfixklu l-isforzi biex jitneħħew l-inugwaljanzi persistenti fil-pagi tal-irġiel u tan-nisa. Din il-konċentrazzjoni tikkontribwixxi fir-rappreżentazzjoni tax-xogħol tan-nisa bħala impjieg tat-tieni kategorija.

3.4

Il-ħaddiema domestiċi huma dawk li l-attività tagħhom isseħħ fid-“domo”, id-dar privata. Skont l-ILO, il-ħaddiema tas-settur huma ''ħaddiema domestiċi'' iżda l-kelma “domestika” għandha konnotazzjoni negattiva f'ċerti Stati Membri. Billi għal dan ix-xogħol (6) jintużaw bosta termini (impjieg tal-familja, servizzi għall-persuni, għajnuna fid-dar, assistenti fil-ħajja, assistenti materni, ħaddiema fil-familji, addetti għat-tindif eċċ.) mhux faċli tiġi stabbilita l-istatistika.

3.5

L-ILO tistima' l-għadd ta' ħaddiema domestiċi fl-Unjoni Ewropea għal 5 miljuni, iżda huwa ċar li din iċ-ċifra hija sottostima, peress li fi Franza biss, fejn għajnuniet fiskali ppermettew li x-xogħol mhux iddikjarat jiġi ddikjarat, u b'hekk li jingħaddu dawn l-impjiegi, illum dawn jammontaw għal 2 miljuni. Dawn l-impjiegi huma prinċipalment fil-forma ta' impjiegi mħallsa direttament mill-familja jew il-persuna li qed tħaddem il-ħaddiem domestiku (60-70 % tas-settur) mingħajr l-ebda intermedjarju.

4.   L-ostakli għall-iżvilupp tagħhom

4.1   Impjiegi li ma tantx huma valorizzati

4.1.1

Għandu jiġi nnotat li dawn l-impjiegi, speċjalment fil-qasam tax-xogħol tad-dar, ħafna drabi għadhom jitqiesu bħala impjiegi li ma jeħtiġux ħiliet u kompetenzi partikolari. Huma jitqiesu wkoll bħala impjiegi ta' transizzjoni (pereżempju ''au pair'') u mhumiex ikkunsidrati bħala għażla ta' karriera.

4.1.2

Fil-maġġoranza tal-każi, il-familji ma jitolbu l-ebda diploma jew ċertifikat, u jafdaw it-tfal tagħhom, il-ġenituri anzjani tagħhom, iċ-ċavetta ta' darhom għand individwi minkejja li ma jistgħux jaċċertaw li jistgħu jafdawhom. Li wieħed jidħol f'dar ħaddieħor, jadatta għall-bżonnijiet tal-familji, jeħtieġ għadd ta' kompetenzi psikoloġiċi u tekniċi sottovalutati u mhux neċessarjament definiti tajjeb.

4.1.3

Peress li s-soċjetà għandha perċezzjoni negattiva ta' dan ix-xogħol, spiss huma n-nisa migranti, li warajhom ħallew tfal u ġenituri anzjani, li jiġu biex jieħdu ħsieb it-tfal u l-anzjani fil-pajjiżi sinjuri, waqt li l-Unjoni Ewropea hija mifnija mill-qgħad. Dawn il-ħaddiema ta' spiss ikollhom opinjoni baxxa tagħhom infushom, peress li ma għażlux dan ix-xogħol minn rajhom u x-xogħol huwa meqjus ta' valur baxx. Illum il-ġurnata ħafna mill-immigranti jkunu kwalifikati żżejjed iżda jisfaw orjentati lejn settur li joffrilhom l-uniċi possibbiltajiet rari ta' impjieg, ħafna drabi impjieg bla ebda garanzija ta' rispett tad-drittijiet tagħhom ta' ħaddiema. Din il-''ħela ta' mħuħ'' hija problema inkwetanti mhux biss għall-immigranti iżda anki għas-soċjetà li tħaddimhom.

4.2   Dan is-settur jimpjega forza tax-xogħol mhux kwalifikata kif ukoll kwalifikata żżejjed, imħaddma minn persuni li b'riżultat tan-nuqqas ta' għajnuna fiskali nazzjonali ma jistgħux iħallsu ħafna.

4.2.1

Impjiegi meqjusa b'ħiliet baxxi, spiss huma mħallsa direttament minn individwi li ma jistgħux iħallsu wisq, fin-nuqqas ta' miżuri ta' inċentivazzjoni fiskali nazzjonali għas-settur.

4.2.2

Li jħaddmuk il-familji jista' jwassal għall-prekarjetà li tirriżulta minn tibdil fiċ-ċirkustanzi tal-familja. Barra minn hekk, meta l-familji jkollhom bżonn servizz ta' ftit sigħat fil-ġimgħa, il-ħaddiema domestiċi għandhom bżonn diversi impjegaturi biex jgħixu, u jkollhom ifittxu bla heda impjegaturi ġodda biex jieħdu post dawk li m'għadx għandhom bżonn is-servizzi tagħhom.

4.2.3

Sa reċentement, ix-xogħol tal-ħaddiema domestiċi li jaħdmu fid-djar kien eskluż mill-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol tal-ILO. Dan inbidel mal-Konvenzjoni 189 adottata fl-2012 iżda li hija ratifikata biss minn żewġ Stati Ewropej (7).

4.2.4

Peress li huma mifruxa fi djar privati, huwa diffiċli biex dawn l-impjegati jkunu organizzati fi trejdjunjin. F'ħafna mill-każijiet lanqas biss m'huma interessati. L-aspettattivi u l-interessi tagħhom ikunu rikonoxxuti aħjar, madankollu, jekk dawn ikunu appoġġjati u protetti minn trejdunjins b'saħħithom. Huwa diffiċli għalihom li jiddefendu d-drittijiet tagħhom, waħedhom quddiem il-familji impjegaturi tagħhom. Din is-sitwazzjoni tiggrava meta ma jkunux jafu l-lingwa, ikunu vittmi tat-traffikar tal-persuni u ma jkollhomx aċċess għad-dokumenti tagħhom.

4.2.5

L-eżempji ta' pjani għal strutturar tas-settur fl-Istati Membri qed jiżdiedu b'rati u f'direzzjonijiet differenti. Dawn jippermettu l-promozzjoni u l-iżvilupp ta' settur ekonomiku distint u n-negozjar ta' ftehimiet kollettivi adattati għas-servizzi tal-familja. Huma u jiġu negozjati jew negozjati mill-ġdid il-ftehimiet kollettivi, għandhom jitqiesu l-kumplessità tal-kwalifiki u d-dimensjoni tar-relazzjonijiet umani.

4.2.6

Meta jittieħdu miżuri għaż-żieda tal-professjonalizzazzjoni tas-settur tas-servizzi personali, huwa importanti li jitqiesu t-tipi differenti ta' impjegaturi fis-settur (intermedjarji jew individwi), biex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni dwar status jew responsabbiltajiet.

4.2.7

Tressqu quddiem il-qorti każijiet moderni ta' skjavitu għaliex jeżistu traffikar fis-settur tal-ħaddiema domestiċi. F'dawn il-każijiet, in-nisa migranti jiġu esposti għar-riskju ta' sfruttament fuq ix-xogħol u sfruttament sesswali. Dan jikkontribwixxi għar-reputazzjoni negattiva li għandu s-settur.

5.   Il-ħolqien ta' impjiegi deċenti u servizzi ta’ kwalità

5.1   Azzjoni fuq l-ispejjeż: il-legalizzazzjoni tax-xogħol mhux iddikjarat, u t-tnedija ta' sorsi differenti ta' finanzjament

5.1.1

Biex noħorġu mis-sitwazzjoni attwali, (ħafna impjiegi fl-ekonomija informali u multitudni ta' impjegaturi) u mmorru għal impjiegi ġenwini b'ħiliet verifikati, kif jiġri f'impjiegi oħra, hemm bżonn ta' pagi ġusti, għarfien akbar u valorizzazzjoni aħjar ta' dawn is-servizzi, fost l-oħrajn, f'salarji ġusti, għalkemm jibqgħu aċċessibbli għal kulħadd. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jistgħu jiġu sodisfati biss b'fondi addizzjonali: għajnuniet finanzjarji, vouchers sussidjati (kif diġà jiġri għall-vouchers tal-ikel), il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u l-kontribut tal-utenti. L-għajnuna fiskali għall-individwi hija effikaċi pereżempju fir-rinnovazzjoni tad-djar fl-Isvezja, li ħolqot impjiegi fis-settur tal-bini. Fi Franza, ix-xogħol domestiku ħareġ mill-ekonomija informali meta bdiet tingħata l-għajnuna fiskali. Barra minn hekk ġie stabbilit “voucher tal-impjieg tas-servizz” li ssemplifika l-proċeduri burokratiċi. Imbagħad bil-wasla tal-internet dan il-provvediment ġie mtejjeb billi twarrbu l-formoli bil-karta.

5.1.2

Mhux possibbli li dawn l-impjiegi jiġu professjonalizzati u li jiġu offruti servizzi ta' kwalità jekk ma jiżdidux il-finanzi pubbliċi (għajnuniet fiskali), soċjali (sussidji lill-familji, għajnuniet għan-negozji, soċjetajiet tal-mutwu u assigurazzjonijiet tas-saħħa, kumitati tal-intrapriża eċċ.) u privati (ħlas tas-servizzi għall-individwi). L-intrapriżi jistgħu jipparteċipaw fl-iffinanzjar tas-servizzi għall-familja tal-impjegati tagħhom fil-qafas tal-miżuri għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-konċiljazzjoni bejn il-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali. Xi wħud diġà jagħmlu dan. Dawn l-aħjar prattiki għandhom jiġu identifikati u mxerrda mill-Kummissjoni Ewropea, pereżempju, biex jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' sistema ta' titoli ta' pagament mħallsa minn qabel, li jistgħu jiġu introdotti fl-Istati Membri kollha.

5.2

Azzjoni dwar il-prekarjetà: il-ħolqien ta' negozji ġodda, l-iżvilupp tad-djalogu soċjali fis-settur, filwaqt li jiġu rispettati l-ispeċifiċitajiet u l-prattiki kulturali ta' kull Stat Membru.

5.2.1

Fid-dawl taż-żieda fil-bżonnijiet domestiċi tal-familji, il-libertà tal-għażla bejn servizzi eżistenti fl-Istati Membri għandha tiġi msaħħa u stabbilizzata, kif ukoll il-kumplementarjetà ta' dawn is-servizzi, b'mod li jinħoloq mudell ġdid li jista' jippromwovi l-innovazzjoni soċjali fl-Ewropa.

Il-prekarjetà prevalenti fis-settur tista' tiġi solvuta biss billi tiffoka fuq żewġ elementi ewlenin: l-ewwel, il-ħtieġa li tipprofessjonalizza l-impjiegi, biex titjieb il-kwalità tas-servizzi pprovduti u jiġi żgurat l-iżvilupp professjonali reali tal-ħaddiema domestiċi (ara l-paragrafu 5.3), u t-tieni, il-ħtieġa li jingħata rikonoxximent uffiċjali lid-djalogu soċjali fis-settur, li huwa mod importanti ħafna biex jiġi żgurat il-benesseri kemm tal-ħaddiema domestiċi kif ukoll tal-familji u jipprovdihom bil-kondizzjonijiet tax-xogħol deċenti, irrispettivament mill-forma meħuda minn dawn is-servizzi. F'dan ir-rigward, huwa essenzjali li l-familji jiġu megħjuna jagħmlu użu tas-servizzi pprovduti minn settur professionalizzat u ddikjarat (ara s-sezzjoni 5.1) billi jkollhom l-opportunità li jagħżlu l-istruttura tal-għażla tagħhom.

Barra minn hekk, is-servizzi għall-familji biex jgħinuhom fil-kura tat-tfal, il-kura tal-anzjani, il-kura ta' membri tal-familja b'diżabbiltajiet gravi jew il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata mhumiex bħal servizzi oħrajn: dawn jaffettwaw direttament l-intimità u l-privatezza tad-djar u għalhekk ma jistgħux jiġu fdati lil kwalukwe persuna. Għaldaqstant huwa essenzjali li jiġi żgurat djalogu soċjali settorjali, konformi mal-valuri tal-Unjoni Ewropea u l-ispeċifiċitajiet kulturali ta' kull Stat Membru.

5.2.2

Barra minn dan, l-iżvilupp tas-settur jeħtieġ ukoll l-iżvilupp ta' intrapriżi – kooperattivi, assoċjazzjonijiet jew kumpaniji – li jaġixxu ta' intermedjarji bejn il-ħtiġijiet tas-servizz u dawk ta' min hu kwalifikat biex jagħtih. L-intrapriża tkun inkarigata li ssib il-klijenti u tipproponi pjan għall-ħaddiema. B'hekk il-ħaddiema jkollhom kuntratt wieħed tax-xogħol, dan jiffaċilita l-ħarsien soċjali u jippermetti li l-ħin tat-traġitt bejn żewġt id-djar tal-klijenti jkun imħallas, li jkunu possibbli ġranet ta' frank jew li jittieħed taħriġ. Dan l-intermedjarju huwa wkoll dak li jinteraġixxi mal-klijent: jibagħtilhom ħaddiema kompetenti, onesti, diskreti u mħarrġa, b'mod li s-servizz ikun jista' jingħata anke jekk il-persuna li tiġi s-soltu tkun ma tiflaħx jew tieħu vaganza. Il-klijent ma jafdax id-dar u l-membri tal-familja tiegħu lil persuna imma lill-intrapriża.

5.2.3

Il-ħolqien tal-intrapriżi jippermetti li dawn il-ħaddiema jsiru bħall-oħrajn. Dan it-tip ta' intrapriża diġà jeżisti. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tidentifika u tiddissemina l-mudelli differenti filwaqt li tanalizzahom mill-perspettiva tas-servizz li joffru u l-kundizzjonijiet soċjali tal-impjegati.

5.2.4

Barra minn hekk, meta l-klijenti jippreferu li jieħdu r-responsabbiltà li jkunu l-impjegaturi, li tippermettilhom l-għażla tal-persuna li jħallu tidħol f'darhom, hemm bżonn li dawn il-familji jiġu infurmati li jridu jġorru r-responsabbiltà tagħhom fir-rispett tar-regoli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn ir-regoli jkunu raġonevoli u li familja medja tkun f'pożizzjoni li tirrispettahom.

5.3   Riformi fis-settur

5.3.1

L-Isvezja introduċiet skema ta' tnaqqis fiskali għas-servizzi domestiċi fl-2007. Dan il-kreditu ta' taxxa wassal għax-xiri tas-servizzi domestiċi b'inqas spejjeż sew, billi ddaħħal tnaqqis ta' 50 %. Il-klijent iħallas nofs il-prezz tas-servizz u n-nofs l-ieħor jingħata lill-intrapriża mill-amminstrazzjoni fiskali.

5.3.2

Qabel kien diffiċli takkwista servizz domestiku ddikjarat. Issa, 7 snin wara, il-fatti juru li l-kreditu ta' taxxa ħoloq u qed ikompli joħloq intrapriżi ġodda u impjiegi ġodda, prinċipalment għall-persuni li kienu barra mis-suq tax-xogħol.

5.3.3

Ir-riforma fiskali kellha effett pożittiv fuq settur li kellu l-maġġoranza tas-servizzi f'forma ta' xogħol mhux iddikjarat. It-tnaqqis fit-taxxi kien ta' benefiċċju mhux biss għas-settur u għall-klijenti tiegħu, iżda għas-soċjetà kollha.

5.3.4

Fl-2013 is-settur kellu fatturat ekwivalenti għal iktar minn nofs biljun euro. Fl-2013 ġew impjegati iktar minn 16  000 persuna. Kien hemm żieda kostanti f'dawn l-aħħar snin. Bejn l-2012 u l-2013, ir-rata ta' impjieg fis-settur domestiku żdiedet b'16 %.

5.3.5

Il-maġġoranza tal-intrapriżi jinħolqu min-nisa, u spiss min-nisa immigranti. Iktar minn terz tal-klijenti tas-servizzi domestiċi għandhom iktar minn 65 sena (żewġ terzi huma nisa). Globalment, 62 % tal-klijenti huma nisa, b'kull livell ta' dħul, iżda prinċipalment mill-klassi medja. Il-familji huma fost dawk li l-iktar jużaw dawn is-servizzi. Tnejn minn kull tliet impjegati fis-settur tas-servizzi domestiċi kienu bla xogħol jew kellhom xogħol mhux iddikjarat. Madwar 80 % tal-impjegati huma nisa u 40 % twieldu barra l-Isvezja.

5.3.6

L-organizzazzjonijiet prinċipali tal-impjegaturi fis-settur tas-servizzi ffirmaw ftehimiet kollettivi mat-trejdjunjins omologi għall-intrapriżi tas-servizzi domestiċi. Il-ftehimiet kollettivi jistabbilixxu regoli rigward il-paga, il-ħinijiet tax-xogħol, il-liv imħallas, it-taħriġ, is-sigurtà soċjali u aspetti oħra.

5.3.7

Ir-riforma wasslet għal żieda fl-impjieg, għal tnaqqis fil-qgħad, għal tnaqqis fil-liv minħabba mard u fl-aħħar mill-aħħar għal żieda fid-dħul fiskali, li jwassal li s-sistema prattikament tiffinanza lilha nfisha.

5.4   Nagixxu għal-professjonalizzazzjoni

5.4.1

Mal-kompiti li jeħtieġu għarfien tekniku (ir-regoli tal-iġene, it-tħaddim tal-magni, l-użu tal-prodotti, il-ħasil tat-tfal, kif tgħin persuna adulta biex tqum, eċċ.) hemm ukoll il-ħiliet relazzjonali: l-ispirazzjoni tal-fiduċja, li wieħed ikun diskret, awtonomu, li wieħed ikun jista' jadatta għal kull klijent. Tabelli ta' klassifikazzjoni għandhom ipoġġu f'ġerarkija l-ħiliet li jiddependu fuq jekk persuna ħaditx ħsieb biss akkomodazzjoni jew tfal jew anzjani wkoll, jekk il-klijent hux assenti jew preżenti, jekk huwiex indipendenti jew dipendenti, fiżikament jew mentalment.

5.4.2

Il-paradoss huwa li dawn il-kompiti ma jiġux stmati minn xi wħud filwaqt li joffru gratifikazzjoni akbar minn ħafna oħrajn. Li d-dar tindaf, li tgħin lill-persuni u li tibni relazzjoni mat-tfal iwassal għas-sodisfazzjon. Il-korpi pubbliċi jistgħu minn naħa, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins u ta' min iħaddem, jippromovu l-professjonalizzazzjoni ta' dawn is-servizzi, it-taħriġ tal-persuni konċernati u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet miksuba, u min-naħa l-oħra jaħdmu f'dan is-sens għall-ħolqien ta' strutturi biex is-servizzi għall-familja jiġu raggruppati u organizzati.

5.4.3

Biex tinbidel l-immaġni tal-kompiti hemm bżonn li jiġu identifikati u vvalutati fil-livell tekniku u relazzjonali u jitqabblu ma' kompiti ekwivalenti fi professjonijiet oħra. Hemm bżonn li jinħolqu diplomi, ċertifikati u taħriġ li jivvalidaw l-esperjenza li tkun diġà nkisbet. Xi wħud jeżistu diġà.

5.4.4

Ikun ukoll għaqli li niffaċilitaw rotot promozzjonali għal responsabbiltajiet oħra, jew snajja' oħra fl-istess settur jew setturi oħrajn. Dan aspett partikolarment importanti għall-migranti nisa kwalifikati żżejjed li jiġu direzzjonati lejn il-provvista ta' servizzi għall-familja sabiex jiġi evitat il-“ħela ta' mħuħ”.

5.4.5

Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi eradikat it-traffikar fir-rigward ta' servizzi għall-familja, peress li dan huwa ksur ċar tad-drittijiet tal-bniedem.

5.4.6

L-organizzazzjonijet tat-trejdjunjins tal-ħaddiema spiss injoraw l-organizzazzjoni f'trejdjunjins tal-ħaddiema domestiċi li, huwa veru, hija ħaġa kumplikata minħabba li t-trejdjunjins m'għandhomx aċċess għad-djar privati, fl-inviżibbiltà tagħhom u peress li huma mxerrda. L-organizzazzjoni fit-trejdjunjins domestiċi tista' tavvanza l-professjonalizzazzjoni tas-settur tas-servizzi għall-familja. Din il-professjonalizzazzjoni hija waħda mill-kundizzjonijiet tal-ugwaljanza professjonali bejn in-nisa u l-irġiel.

Brussell, 16 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 44, 15.02.2013, p.16-22.

(2)  ĠU C 21, 21.01.2011, p. 1.

(3)  ĠU C 177, 11.06.2014, p. 9.

(4)  ĠU C 226, 16.07.2014, p. 21–27.

(5)  Kummissjoni Ewropea, dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-isfruttament tal-potenzjal fir-rigward tal-impjiegi li joffru s-servizzi personali u domestiċi (SWD(2012) tat-18.4.2012, paġna 14).

(6)  Is-sefturi kienu jgħixu għand min kien iħaddimhom. Dan għadu jseħħ f'ċerti familji sinjuri ħafna jew fl-ambaxxati, iżda llum, ħafna drabi l-ħaddiema domestiċi jaħdmu biss ftit sigħat fil-ġimgħa għal kull impjegatur jew klijent.

(7)  L-Italja rratifikat il-Konvenzjoni 189 f'Jannar 2013, il-Ġermanja f'Settembru 2013. Il-Kunsill Ewropew awtorizza lill-Istati Membri jirratifikaw il-konvenzjoni f'Jannar 2014.


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/23


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tas-servizzi tan-negozju fl-industrija”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 012/04)

Relatur:

is-Sur van Iersel

Korelatur:

is-Sur Leo

Nhar it-22 ta’ Jannar 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-impatt tas-servizzi tan-negozju fl-industrija

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Settembru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'100 vot favur, l-ebda (0) vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fid-dawl tal-interazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi u l-manifattura, u l-impatt tagħha fuq it-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi fl-Ewropa, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-mandat li jmiss, biex tqiegħed is-servizzi tan-negozju fuq il-lista ta' prijorità tagħha. Dan huwa dejjem iktar neċessarju minħabba mudell ta' produzzjoni ġdid li wħud isejħu “ir-raba' rivoluzzjoni industrijali”.

1.2

Huma meħtieġa inizjattivi konkreti tal-UE fl-oqsma kollha li huma relatati mar-rivoluzzjoni diġitali u t-trasformazzjoni tal-ekonomija u tas-soċjetà li din iġġib magħha. Is-sensibilizzazzjoni fost l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll fis-soċjetà hija prerekwiżit ewlieni.

1.3

Is-servizzi tan-negozju għandhom ikunu parti minn politika industrijali attiva u jiġu adottati fir-reviżjoni ta' nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020 fl-2015. Il-KESE jinnota li l-importanza tagħhom s'issa ġiet sottovalutata mill-Kummissjoni u mill-Kunsill.

1.4

Nofs id-DĠ tal-Kummissjoni huma b'mod jew ieħor involuti fis-servizzi, iżda m'hemmx approċċ sistematiku, wisq anqas strateġiku. M'hemm l-ebda politika ċara u lanqas kelliem viżibbli f'dan il-qasam. Barra minn hekk, it-tnaqqis mill-Kunsill tal-baġit għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) minn EUR 9 biljun, kif propost mill-Kummissjoni, għal EUR 1,2 biljun, kien pass diżappuntanti ħafna u li xejn ma jħares 'il quddiem.

1.5

Issa l-UE trid tiddeċiedi jekk tridx tmexxi, u tikkontribwixxi għal tkabbir sostenibbli ġdid u għal impjiegi ġodda, jew tħalli l-kariga tagħha għall-oħrajn.

1.6

Għaldaqstant, il-KESE jilqa' bi pjaċir l-inizjattiva tas-sena l-oħra tal-Kummissjoni biex tniedi diskussjoni fundamentali fi Grupp ta' Livell Għoli dwar is-servizzi tan-negozju (1). Il-KESE jinsisti li dan għandu jiġi segwit f'qasir żmien minn:

analiżi fil-fond,

koordinazzjoni effettiva bejn id-dipartimenti kkonċernati tal-Kummissjoni, u

aġenda Ewropea (ara punt 1.15).

1.7

Is-servizzi tan-negozju li jespandu malajr diġà huma dominanti fil-qasam tal-manifattura. Firxa wiesgħa u dejjem tikber ta' kumpaniji – kemm tal-manifattura kif ukoll tas-servizzi – issa hija involuta fit-tfassil u t-twettiq ta' ġenerazzjonijiet ġodda ta' servizzi tan-negozju. It-teknoloġiji ġodda jagħmlu s-servizzi aktar rilevanti għall-manifattura.

1.8

Barra minn hekk, l-internet tal-oġġetti u l-internet tas-servizzi bħalissa huma magħrufin fl-Ewropa bħala r-raba' rivoluzzjoni industrijali, iż-żerniq ta' era ġdida wara dik tal-awtomatizzazzjoni.

1.9

Qabża kbira għall-aħjar tirriżulta minn kooperazzjoni vertikali u orizzontali mill-magna għall-internet, mill-magna għall-bniedem u mill-magna għall-magna tul il-katina ta' valur fil-ħin reali. Il-gżejjer ta' awtomatizzazzjoni ser jiġu interkonnessi f'għadd innumerabbli ta' netwerks u varjazzjonijiet. Is-softwer u n-netwerks ser iqabbdu l-prodotti intelliġenti, is-servizzi diġitali u l-klijenti mal-“prodotti” innovattivi ġodda tal-ġejjieni.

1.10

Dan l-iżvilupp qed jiġi diskuss b'mod mifrux. Approċċ ekonomiku u politiku fl-avangwardja huwa l-proġett Ġermaniż Industry 4.0, li jagħti attenzjoni adatta kemm lis-servizzi tan-negozju kif ukoll il-kuntest ekonomiku usa' li għaddej minn trasformazzjoni fundamentali. Flimkien ma' inizjattivi simili, għandu jkun il-pedament għall-aġenda tal-industrija u firxa wiesgħa ta' partijiet interessati pubbliċi u privati. Fil-passat, fis-swieq diġitali, min jieħu l-ewwel pass gawda minn vantaġġi kompetittivi kbar.

1.11

Fl-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Korea qed jiġu previsti inizjattivi strateġiċi komparabbli fuq livell globali. Il-Pentagon qed tippjana programm ta' investiment. Il-ġganti tad-data bħal Google, Amazon, Apple u Yahoo għandhom vantaġġ naturali fis-suq.

1.12

Il-fattur uman huwa deċiżiv. Il-katini l-ġodda ta' valur u l-mudelli kummerċjali ġodda jiġġeneraw alleanzi u interrelazzjonijiet ġodda bejn il-kumpaniji, u dan iħalli impatt kbir ħafna fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol. Barra minn hekk, huma mistennija bidliet konsiderevoli fis-suq tax-xogħol. Qed jinħolqu l-ħin kollu fl-industrija, u b'mod partikolari fis-setturi tas-servizzi tan-negozju, tipi ġodda ta' organizzazzjoni tax-xogħol, arranġamenti ta' impjieg, u l-aġġornar ta' ħiliet, minħabba li t-teknoloġija diġitali qed tiżviluppa b'ħeffa sinifikanti. Dawn il-bidliet iridu jiġu monitorjati mill-qrib. Politiki mfassla b'għan partikolari li jridu jkunu msejsa fuq riċerka finanzjata tajjeb, iridu jiffokaw fuq il-promozzjoni ta' kundizzjonijiet pożittivi u t-tnaqqis tal-effetti negattivi.

1.13

Ħafna setturi tas-servizzi tan-negozju bħalissa huma nieqsa minn kultura ta' djalogu soċjali, li jista' jdgħajjef il-kwalità tal-impjieg f'dawn is-setturi. Huwa meħtieġ qafas b'saħħtu għad-djalogu soċjali u l-parteċipazzjoni attiva – anke fid-dawl ta' edukazzjoni innovattiva u faċilitajiet tat-taħriġ – fil-livell tal-kumpaniji, settorjali, nazzjonali u tal-UE, li jqis ir-ristrutturar, li ta' sikwit huwa qawwi, fl-industrija tas-servizzi tan-negozju li qed tevolvi b'mod mgħaġġel.

1.14

Ir-rikonoxximent transkonfinali u fl-UE tal-kwalifiki u l-kompetenzi ser jippromovi l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-għarfien. Dan ser jestendi wkoll u jsaħħaħ l-opportunitajiet Ewropej għall-għadd kbir ta' intrapriżi żgħar u mikrointrapiżi f'dan il-qasam.

1.15

Fil-biċċa l-kbira, il-KESE jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-UE u l-ħames gruppi ta' ħidma tal-2013. Fid-dawl tal-importanza kbira ħafna ta' servizzi tan-negozju biex jintlaħaq l-għan li l-manifattura jkollha sehem ta' 20 % tal-PNG fl-2020, kif ukoll il-prospett tar-raba' rivoluzzjoni industrijali, huma neċessarji aġenda Ewropea jew pjan direzzjonali għal servizzi tan-negozju. Fil-fehma tal-KESE, għandu jinkludi dan li ġej:

A.

Għarfien u appoġġ għall-politika:

is-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tad-dibattitu,

id-definizzjoni u l-klassifikazzjoni tas-servizzi tan-negozju,

l-għoti ta' statistika rilevanti u affidabbli dwar is-servizzi tan-negozju u l-evoluzzjoni tagħhom.

B.

Oqsma ta’ politika:

it-tisħiħ tal-integrazzjoni, il-ġlieda kontra l-frammentazzjoni tas-suq intern u t-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ fi ħdan l-UE,

l-appoġġ ta' qafas regolatorju u pjattaformi Ewropej dwar l-istandardizzazzjoni,

it-tisħiħ tas-suq intern fis-settur tat-telekomunikazzjoni,

il-promozzjoni tal-investiment fl-infrastruttura meħtieġa għal suq diġitali sikur għall-komunikazzjoni, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' oġġetti u servizzi diġitali,

il-protezzjoni tad-data u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,

it-tnaqqis tal-ostakli leġislattivi u regolatorji għall-kummerċ internazzjonali fis-servizzi tan-negozju.

C.

Temi speċifiċi:

l-impatt tal-Big Data – iż-żieda konsiderevoli fil-volum, il-varjetà u l-veloċità tad-data – minħabba netwerking intensifikat u l-ġenerazzjoni tad-data,

ir-rabta importanti ħafna bejn ir-riċerka, l-industrija, is-servizzi u l-impjiegi,

l-akkwist pubbliku,

il-prestazzjoni ambjentali u s-sostenibbiltà,

l-impatt soċjali tas-servizzi tan-negozju fuq is-soċjetà inġenerali u s-suq tax-xogħol.

D.

Finanzi:

ir-riżorsi finanzjarji.

2.   Introduzzjoni

2.1

F'ekonomiji maturi aktar minn 70 % tal-produzzjoni u l-impjiegi jiġu mis-servizzi. Il-persentaġġ tas-servizzi kif ukoll is-sofistikazzjoni tagħhom qed jiżdiedu kullimkien madwar id-dinja.

2.2

Is-servizzi tan-negozju huma fattur importanti tat-tkabbir. Skont il-KE, bejn l-1999 u l-2009 ir-rata medja ta' tkabbir tagħhom kienet ta' 2,38 %, filwaqt li l-medja tas-setturi kollha tal-ekonomija tal-UE kienet ta' 1,1 %. Fl-istess perjodu, ir-rata ta' tkabbir tal-impjieg f'dan is-settur kienet ta' 3,54 % filwaqt li ċ-ċifra għas-setturi kollha tal-ekonomija tal-UE kienet ta' 0,77 % biss.

2.3

Iż-żieda fl-ekonomija tas-servizzi (jew it-“terzjarizzazzjoni”) fl-attività ekonomika ġenerali fl-UE tosboq dik fil-qasam tal-manifattura. Dan l-istadju qed jiġi segwit mill-“kwartizzazzjoni” li huwa assoċjat maż-żieda fis-servizzi bbażati fuq l-informazzjoni u l-għarfien.

2.4

It-terminu “servizzi” huwa ġeneriku. Jikkonċerna firxa wiesgħa ħafna ta' attivitajiet soċjali u ekonomiċi, mill-aktar livell baxx sa l-ogħla livell tas-suq tax-xogħol. It-tkabbir fl-impjieg jiġri f'impjiegi b'ħiliet kbar jew bi ftit ħiliet, filwaqt li l-forza tax-xogħol f'impjiegi b'ħiliet medji qed tonqos, u dan qed jagħmel pressjoni fuq il-klassi medja.

2.5

Fl-interazzjoni tal-industrija tas-servizzi, jistgħu jiġu identifikati t-tipi ewlenin li ġejjin ta' servizzi rilevanti:

servizzi provduti esternament, użati mill-industrija, jiġifieri s-servizzi li jiġu mis-settur tas-servizzi tan-negozju. Dawn ikopru firxa sħiħa ta' servizzi operattivi (pereżempju t-tindif industrijali), servizzi professjonali (pereżempju inġiniera) u servizzi oħra inklużi dawk b' intensità għolja ta' għarfien (pereżempju s-servizzi fil-qasam tal-kompjuter),

servizzi provduti internament, użati mill-industrija, jiġifieri l-funzjonijiet tas-servizzi li jitwettqu internament fi ħdan l-industrija,

is-servizzi ta' appoġġ, provduti mill-industrija, jiġifieri s-servizzi provduti mill-industrija flimkien mal-prodotti tagħhom (pereżempju s-servizzi ta' wara l-bejgħ),

is-servizzi inkorporati provduti mill-industrija, jiġifieri l-funzjonijiet tas-servizzi li huma inkorporati fi ħdan il-prodotti provduti mill-industrija (pereżempju s-softwer).

2.6

Is-servizzi tan-negozju żdiedu b'mod konsiderevoli mis-sebgħinijiet 'il hawn. Attwalment, għandhom introjtu ta' EUR 2  000 biljun u jipprovdu impjiegi għal 24 miljun persuna. Miljuni ta' kumpaniji, l-iktar żgħar u ta' daqs mikro, huma involuti, biex ma nsemmux il-partijiet interni bbażati fuq is-servizzi f'kumpaniji ikbar. Is-servizzi tan-negozju jirrappreżentaw 11,7 % tal-ekonomija tal-UE.

2.7

L-istampa hija estremament diversifikata mingħajr denominatur komuni. L-impatt kbir ħafna jaffettwa l-livelli u r-relazzjonijiet kollha fis-soċjetà. Huma xprun għal bidla u biex tiġi stimolata r-reviżjoni tal-mudelli tan-negozju. Huma jħeġġu riorganizzazzjoni kontinwa tal-kumpaniji pubbliċi u privati and l-korpi pubbliċi.

2.8

Matul l-aħħar deċenji l-awtomatizzazzjoni u l-ICT kienu xpruni b'saħħithom (2). Żviluppi fis-setturi individwali tas-servizzi sikwit ukoll ikollhom effetti trasversali fuq setturi oħra.

2.9

Il-konfini tradizzjonali bejn il-manifattura u s-servizzi qed jiċċajpru. L-iżvilupp tal-manufattura ma jistax jibqa' jiġi kkunsidrat b'mod separat mis-servizzi kif kien isir fil-passat. F'dan il-kuntest, il-mira tal-UE li s-sehem tal-industrija tal-manifattura jikber għal 20 % tal-PNG Ewropew għandha tiġi definita mill-ġdid fid-dawl tal-valur miżjud tas-servizzi tan-negozju. Ikun aktar xieraq li ssir referenza għal katina tal-valur iffokata fuq il-manifattura (3).

2.10

Fil-kuntest globali, l-Ewropa – ġeneralment – sejra tajjeb għalkemm hemm oqsma fejn l-industrija Ewropea qed tbati. Żieda fil-produttività u l-introduzzjoni dinamika ta' teknoloġiji ġodda tista' tipprovdi wkoll effett pożittiv fuq ir-rilokazzjoni. Min-naħa l-oħra, wieħed jinnota s-sensittività tan-nies fir-rigward tat-tiġdid u reżistenza mistura għall-innovazzjoni. Din it-tendenza jistħoqqilha tingħata attenzjoni politika speċifika.

3.   L-iżvilupp ta' servizzi tan-negozju u interkonnessjonijiet fl-industrija

3.1

Is-servizzi tan-negozju jinsabu fi stadju dinamiku ħafna. Minħabba r-rivoluzzjoni mmexxija mill-internet, qed jiżdied l-impatt tas-servizzi fuq il-linji tal-produzzjoni kif ukoll fuq il-prestazzjoni ġenerali tan-negozju. Il-linji tal-produzzjoni issa huma mmexxija mis-softwer. Ir-rwol tax-xogħol fil-manifattura qed jitnaqqas.

3.2

Dan huwa għall-kuntrarju tat-teorija konvenzjonali u jindika li l-manifattura u s-servizzi tan-negozju kulma jmur huma dejjem aktar interkonnessi. Konsegwentement, id-distinzjoni li ssir bejn it-tnejn li huma ta' sikwit tkun artifiċjali. Illum il-ġurnata l-kumpaniji jużaw il-kontributi u jipproduċi prodotti u servizzi li jinkorporaw komponenti kemm mill-manifattura kif ukoll mis-servizzi. Din l-interazzjoni hija proċess li jimxi fiż-żewġ direzzjonijiet.

3.3

Din il-konklużjoni tista' tinsilet ukoll mill-bidliet fix-xenarju korporattiv. Għalkemm is-servizzi huma fil-biċċa l-kbira tagħhom ta' appoġġ, huma xprun ewlieni tal-frammentazzjoni tal-katini tal-valur. Fost affarijiet oħra, din twassal għad-diviżjoni ta' kumpaniji ikbar u tbiddilhom minn entitajiet pjuttost statiċi għal entitajiet imsejsa fuq interazzjonijiet kombinati dinamiċi bejn partijiet ftit jew wisq indipendenti – jew tal-anqas, identifikabbli – fi ħdan l-istess kumpaniji jew fuq barra (outsourcing). Bħala intermedjarji flessibbli u adattabbli, is-servizzi qed jappoġġjaw dawn il-proċessi.

3.4

Il-frammentazzjoni tal-katina tal-valur tnaqqas b'mod konsiderevoli wkoll id-distinzjonijiet bejn is-setturi, peress li dawn qed jiċċajpru. Stampa kompletament ġdida tiġi quddiem għajnejna – pereżempju Google jipproduċu karozza, bl-għarfien li 35 % tal-investiment f'karozza imur għas-softwer, u ċ-ċifra tista' titla' anke sa 50 % fl-inġinerija u fil-bini tal-magni sofistikati.

3.5

Minkejja rikonoxximent ġenerali tal-impatt tas-servizzi fuq l-ekonomija sħiħa u l-impjiegi, sorprendentement għad hemm nuqqas ta' analiżijiet fid-dettall fil-livell tal-UE, minħabba, fost affarijiet oħra:

barra minn xi kumpaniji kbar, is-settur ġeneralment jikkonsisti f'għadd kbir ħafna ta' kumpaniji żgħar u ta' daqs mikro, li ftit li xejn huma organizzati, u b'hekk leħen is-settur tas-servizzi tan-negozju fil-livell Ewropew huwa dgħajjef ħafna,

barra minn hekk, minħabba proċess dinamiku u kontinwu ta' tiġdid u invenzjonijiet, huwa diffiċli ħafna li jiġu stabbiliti klassifiki affidabbli,

l-enfasi esklużiva tal-UE fuq perjodu twil fuq l-industrija tal-manifattura waqfitha milli tħares b'mod onest u kalm lejn l-impatt tremend fuq is-servizzi ta' appoġġ.

3.6

L-indikaturi statistiċi tradizzjonali b'distinzjonijiet stretti bejn il-manifattura u s-servizzi għaldaqstant ma jistgħux jirrappreżentaw l-istruttura kumplessa tal-katini tal-valur. Il-perspettivi ta' input/output għandhom jenfasizzaw, fost affarijiet oħra, liema industriji ta' servizzi jipprovdu, u kemm, għall-manifattura u viċi versa. Iżda l-ewwel u qabel kollox, dan jirrikjedi l-iżvilupp ta' sensiliet ġodda ta' indikaturi statistiċi.

3.7

Statistika aktar preċiża u dettaljata għandha tibni bażi aħjar għad-dibattiti ta' politika dwar x'inhu għaddej u dwar strumenti possibbli biex tittejjeb il-prestazzjoni.

3.8

L-istatistika tista' tgħin ukoll biex id-dibattitu jiffoka, fost affarijiet oħra, fuq it-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ u l-mobilità transkonfinali, li huma msejsa fuq ir-regoli nazzjonali, “gold-plating” u drittijiet nazzjonali speċjali mogħtija lill-professjonijiet fis-settur tas-servizzi, pereżempju fir-rigward ta' kwalifiki. L-armonizzazzjoni u r-rikonoxximent transkonfinali tal-kwalifiki professjonali għandhom jiffaċilitaw il-mobilità transkonfinali fost il-professjonijiet regolati, li huwa ta' interess partikolari għal kumpaniji żgħar u ta' daqs mikro.

3.9

B'mod ġenerali, iċ-ċifri tal-UE se jenfasizzaw differenzi konsiderevoli bejn il-pajjiżi Ewropej. Settur tas-servizzi b'saħħtu jalimenta ekonomija b'saħħitha. L-infrastruttura, b'mod partikolari l-broadband, hija ta' importanza kbira. L-infrastruttura għandha tiġi protetta kif xieraq kemm għal raġunijiet ta' protezzjoni tad-data kif ukoll għal raġunijiet ta' kontinwità tas-servizzi. Għadd ta' Stati Membri għandhom jagħmlu sforzi konsiderevoli biex jilħqu lill-oħrajn f'dan il-qasam.

3.10

Il-linji ta' produzzjoni huma aktar konċentrati minn qatt qabel. L-interkonnettività tas-swieq Ewropej u dawk emerġenti ħolqot netwerks ekonomiċi u ta' għarfien kumplessi fejn is-servizzi huma l-ixprun. Id-delokalizzazzjoni ser issir inqas effettiva peress li l-industrija ser tiddependi mill-aktar servizzi speċjalizzati, b'użu intens tal-għarfien u li huma ta' kwalità għolja.

3.11

L-Ewropa għad għandha vantaġġ komparattiv fil-produzzjoni ta' tali servizzi ta' kwalità għolja, l-aktar minħabba l-forza tax-xogħol li hija kwalifikata ħafna u l-intensità fir-riċerka u l-iżvilupp. Madankollu, l-Ewropa m'għandhiex issir kunfidenti żżejjed u titgħażżen. Il-vantaġġi kompetittivi għandhom jinżammu b'mod attiv. Dan jirrikjedi, b'mod partikolari, politiki li jrawmu livelli kontinwament għoljin ta' investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u t-titjib ulterjuri tal-kompetenzi tal-forza tax-xogħol.

3.12

L-interazzjoni bejn il-provvedituri tas-servizzi u l-klijenti hija essenzjali. Is-servizzi tan-negozju jrawmu l-produzzjoni – prodotti u/jew għoddod awżiljarji – tal-klijent. L-iżviluppi ta' suċċess jirriżultaw minn kooperazzjoni effettiva bejn id-domanda u l-provvista, billi jipprevedu “arkitetturi” ġodda. Il-viżjonijiet u l-“lingwi” differenti jingħaqdu flimkien biex jinħolqu soluzzjonijiet ġodda. F'dawn il-proċessi, is-soluzzjonijiet kreattivi u magħmulin apposta qed jiġu minn varjetà ta' dixxiplini.

Aspett li ta' min jirrimarka dwaru huwa n-nuqqas ta' kumpaniji ta' daqs medju. Apparti l-provvedituri l-kbar ta' servizzi, bħal SAP, l-Ewropa hija anqas rappreżentata fit-taqsima l-kbira tal-provvedituri tas-servizzi mill-Istati Uniti. F'xi setturi tat-teknoloġija għolja, l-Ewropa hija bażikament assenti meta mqabbla mal-Istati Uniti. L-eżempji ta' Google, Apple, Amazon u Microsoft, bħala maestri tal-logħba fejn “ir-rebbieħ jieħu kollox” juru kemm hija xi ħaġa kundannabbli li l-Ewropa m'għandha l-ebda rappreżentant f'dan il-qasam.

3.13

Fir-rigward ta' kwalunkwe problema li tinħoloq minħabba d-Direttiva dwar is-Servizzi, il-kompletar tas-suq uniku għas-servizzi tan-negozju għandu juri impenn biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi filwaqt li jiġu kkontrollati l-konsegwenzi negattivi possibbli tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi bħad-dumping soċjali u tal-pagi.

3.14

Fl-2011, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni b'mod partikolari għall-ħtieġa ta' evalwazzjoni tar-rwol tas-servizzi tan-negozju b'intensità għolja ta' għarfien (Knowledge-Intensive Business Services – KIBS). Konklużjoni globali waħda hija li s-servizzi – u b'mod partikolari l-KIBS – jaqdu rwol importanti u li dejjem qed jikber bħala inputs fil-proċessi tal-manifattura. Fil-fatt, it-tnejn huma inseparabbli, filwaqt li l-produzzjoni tal-manifattura tiddipendi iżjed u iżjed fuq il-kwalità ta' tali servizzi.

3.15

Ix-xjenza u l-universitajiet huma involuti ħafna wkoll fis-servizzi innovattivi u fl-interazzjoni mal-industrija. Għadd konsiderevoli ta' universitajiet qed joffru għajnuna inizjali għat-twaqqif ta' servizzi tan-negozju. Dan jiżdied mal-clustering tax-xjenza, is-soluzzjonijiet innovattivi u l-industrija. Barra minn hekk, dan iwassal għal aktar effetti pożittivi peress li servizzi aħjar jikkontribwixxu għal ċaqliq 'il fuq fil-katina tal-valur fl-industriji li fihom il-pajjiż diġà jkollu l-kapaċità teknoloġika u vantaġġ komparattiv (4). Dan jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-importanza tal-manifattura fil-kummerċ internazzjonali.

3.16

Minħabba l-importanza tas-servizzi, qed nitkellmu dwar “l-orjentazzjoni tal-manifattura lejn is-servizzi”. Is-simbjożi tal-manifattura u s-servizzi ta' sikwit tbiddel l-enfasi tal-kumpaniji jew saħansitra oqsma sħaħ ta' attività. Is-servizzi l-ġodda jippermettu bidla fil-kunċetti tal-kummerċjalizzazzjoni peress li ma jibqgħux iffokati fuq il-bejgħ tal-prodotti iżda fuq il-ħtiġijiet tal-klijenti (individwali). Eżempju ieħor huwa li l-manifattura kulma jmur qed tistrieħ fuq it-tfassil u l-provvista ta' servizzi tan-negozju bħala l-aktar parti profitabbli tal-attività tagħha.

3.17

F'dan id-dawl, il-mira li sal-2020 l-industrija tal-manifattura tirrappreżenta sehem ta' 20 % tal-PNG fl-Ewropa mhijiex speċifika biżżejjed. Il-mira għandha pjuttost tkun il-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għat-titjib tal-proċessi industrijali li fihom is-simbjożi tal-manifattura u s-servizzi tkun fil-provvista ta' prodotti aġġornati permezz ta' proċessi ta' produzzjoni u produttività bil-quddiem.

3.18

Il-mewġa l-ġdida ta' applikazzjonijiet tal-ICT tikkostitwixxi proċess awtopropulsiv: is-servizzi jnisslu s-servizzi, u konsegwentement l-importanza tagħhom għall-ekonomija b'mod ġenerali tiżdied sproporzjonalment. Irawmu l-produttività u jistimolaw effetti trasversali fl-ekonomija li jwasslu għal kombinazzjonijiet ġodda. Ser jagħtu wkoll spinta ġdida lill-globalizzazzjoni.

3.19

Fenomenu ieħor huwa li se jkun hemm aktar prodotti li jiġu kummerċjalizzati flimkien ma' servizzi abbinati magħhom, jew saħansitra inkorporati fihom, u dan iwassal għal darb' oħra għal alleanzi u kombinazzjonijiet ġodda.

4.   Ir-raba' rivoluzzjoni industrijali – bidla fundamentali

4.1

L-ispettru u l-impatt tas-servizzi tan-negozju jikbru ħafna iżjed meta jkunu marbuta mar-raba' rivoluzzjoni industrijali, li għandha ambitu usa' mis-servizzi tan-negozju biss (5). Din ir-rivoluzzjoni ssegwi t-tliet eri tal-mekkanizzazzjoni, l-elettriku u l-IT. L-enfasi issa hija fuq l-introduzzjoni tal-internet tas-servizzi u l-internet tal-oġġetti.

4.2

Bħala parti mill-proċess, hemm varjetà ta' inizjattivi fin-negozju u x-xjenza, li wħud minnhom ġew promossi mill-awtoritajiet pubbliċi, sabiex jiġu aġġustati l-ipproċessar tal-produzzjoni u l-iżvilupp ta' prodotti ġodda. Inizjattiva pijuniera minnhom hija pjan direzzjonali fir-rigward tar-raba' rivoluzzjoni industrijali, li nieda l-gvern Ġermaniż fl-2012 (6).

4.3

Bħalissa hemm aktar inizjattivi paralleli, b'karatteristiċi li jikkorrispondu, bħal pereżempju:

l-inizjattiva Olandiża “Smart Industry” ta' April 2014;

l-istrateġiji “Industry 4,0” tar-reġjuni Awstrijakki;

ir-raggruppamenti kompetittivi tar-reġjun tal-Wallonia;

il-proġett “Future of manufacturing” sponsorjat mill-gvern tar-Renju Unit;

il-Fondazione Democenter – Sipe, Emilia Romagna;

Smart Manufacturing Leadership Coalition – Stati Uniti; u

iċ-ċentru tal-innovazzjoni ta' sistemi ċiber-fiżiċi, Indja (usa' minn 4.0).

4.4

Il-fabbrika intelliġenti tal-futur hija ta' kumplessità sofistikata ħafna, imnaqqxa f'netwerking irfinat b'riżultat ta' applikazzjonijiet u sistemi ta' softwer aktar żviluppati. Dan l-iżvilupp ser jirriżulta f'individwalizzazzjoni gradwali – kemm għall-klijenti kif ukoll għall-ħaddiema – biex jiġu provduti prodotti u komponenti intelliġenti u mfassla apposta, u biex huma jibbenefikaw minnhom.

4.5

Il-potenzjal għall-industrija u l-ekonomija huwa kbir ħafna. Għandhom jiġu promossi t-twettiq mill-ewwel tax-xewqat tal-klijenti, il-flessibbiltà, it-teħid ottimu tad-deċiżjonijiet, l-użu effiċjenti tal-materja prima u potenzjal ta' valur miżjud mis-servizzi l-ġodda. L-iżvilupp jista' wkoll jaqbel b'mod ugwali max-xejriet demografiċi fl-Ewropa u jista' jibbenefika lill-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, filwaqt li jsaħħaħ il-kompetittività f'ambjent bi dħul għoli.

4.6

Fis-setturi industrijali kollha ser tiġi ppjanata l-integrazzjoni orizzontali u vertikali kif ukoll integrazzjoni diġitali minn tarf sa tarf tal-inġinerija tul il-katina tal-valur. L-aċċess miftuħ u l-innovazzjoni ser isaħħu n-netwerking intens.

4.7

Sabiex jinżamm il-pass mal-kompetituri minn pajjiżi mhux fl-UE, iridu jiġu stabbiliti pjattaformi komuni tal-UE dwar l-istandardizzazzjoni tal-prodotti u s-servizzi, inklużi l-komponenti rilevanti kollha fil-katina ta' valur.

4.8

Kemm kumpaniji kbar kif ukoll żgħar ser ikunu involuti. Il-prospetti għall-SMEs huma pożittivi. Ser ikunu jistgħu jagħmlu użu ferm iktar faċli mis-servizzi u s-sistemi tas-softwer aktar minn qatt qabel. Ser jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-SMEs ibbażati fir-reġjuni, li jkunu jistgħu jiġu integrati b'mod aktar faċli fil-proċessi ta' internazzjonalizzazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-SMEs ser jibbenefikaw minn għarfien interdixxiplinari u t-trasferiment tat-teknoloġija.

4.9

Kif deskritt hawn fuq, fil-kategoriji kollha ser ikun hemm relazzjoni eqreb sew bejn il-klijenti u l-provvedituri.

4.10

It-teknoloġiji eżistenti bbażati fuq l-IT għandhom jiġu adattati għar-rekwiżiti speċifiċi tal-manifattura u jkomplu jiġu żviluppati. Jinħtieġu inizjattivi fl-oqsma tar-riċerka, it-teknoloġija u t-taħriġ bil-għan li jiġu żviluppati metodoloġiji fil-qasam tal-immudellar tal-inġinerija tal-awtomatizzazzjoni u l-ottimizzazzjoni tas-sistemi.

4.11

Hija meħtieġa infrastruttura tal-ekonomija li tinkludi l-bini adatt tal-infrastruttura għall-internet broadband, kif ukoll edukazzjoni adegwata u faċilitajiet tat-taħriġ. F'dan ir-rigward, il-KESE jinsisti għal darb'oħra fuq il-bżonn ta' inizjattiva dwar it-tkabbir flimkien ma' politiki fiskali sodi (7). L-Istati Membri tal-UE għandhom jibbenefikaw mill-irkupru attwali u jaħtfu l-opportunità biex jintensifikaw l-investimenti fl-infrastruttura indispensabbli b'mod urġenti fl-era tal-Industry 4.0.

4.12

L-Industry 4.0 se tagħti lill-Ewropa opportunità unika li tħeġġeġ diversi għanijiet b'investiment waħdani fl-infrastruttura. Jekk dan jiġi pospost, tista' tiddgħajjef il-kompetittività tal-Ewropa. Investiment bħal dan għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat ukoll b'mod pożittiv bħala parti mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fis-Semestru annwali.

4.13

Il-pjan direzzjonali Ġermaniż jagħti attenzjoni dovuta lill-aspetti soċjali ta' dan l-iżvilupp il-ġdid. Mhux biss il-livell maniġerjali u l-persunal tal-kumpaniji, iżda s-soċjetà kollha hija involuta. Hija bidla fundamentali fl-interazzjoni bejn il-bniedem u t-teknoloġija u l-bniedem u l-ambjent. L-innovazzjonijiet teknoloġiċi għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest soċjokulturali tagħhom, peress li l-bidliet kulturali u soċjali huma wkoll xpruni ewlenin tal-innovazzjoni fihom innifishom.

4.14

Bl-istess mod, it-tmexxija deċentralizzata u l-approċċi tal-ġestjoni kif ukoll ir-responsabbiltà proprja tal-ħaddiema biex jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess qed jiftħu bibien ġodda. Dan jinvolvi bidliet fundamentali.

4.15

Għandhom jiġu organizzati fuq livell nazzjonali u tal-UE pjattaformi, seminars u gruppi ta' ħidma, li jinkludu lin-negozji, l-imsieħba soċjali, id-dinja tax-xjenza u l-awtoritajiet pubbliċi. Tali pjattaformi u gruppi ta' ħidma huma kruċjali għad-definizzjoni tal-viżjoni u l-istrateġiji għall-ġestjoni tal-proċess ta' trasformazzjoni sabiex jiġu sfruttati l-opportunitajiet u jiġu evitati l-perikli. Il-Grupp ta' Livell Għoli (ara hawn taħt) jipprovdi eżempju ta' djalogu ta' suċċess bejn il-partijiet interessati.

4.16

Id-dinja l-ġdida tan-negozju u s-servizzi tal-industrija diġitali ser ikollha tkun pjattaforma ta' skambju diġitali sigura u fdata bi drittijiet tas-suq u protezzjoni tad-drittijiet ċari (8). F'din id-dinja ibrida moderna, huwa importanti wkoll li jkun hemm pjattaforma ta' komunikazzjoni u ta' kooperazzjoni.

5.   Implikazzjonijiet għas-soċjetà u s-swieq tax-xogħol  (9)

5.1

Soċjetà mmexxija mis-servizzi u d-diġitilizzazzjoni għandha konsegwenzi kbar fuq is-suq tax-xogħol u fuq is-soċjetà b'mod ġenerali:

Ekonomija li tiffoka fuq l-orjentament tal-manifattura lejn is-servizzi twassal għal tnaqqis fl-impjieg fil-gruppi ta' dħul tal-klassi medja. Sabiex din ix-xejra titwaqqaf u tibda miexja bil-kontra, i l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg bi dħul medju għandu jsir objettiv espliċitu fil-politiki dwar l-aġġustament strutturali . Għal dan il-għan, strumenti bħal Politiki Attivi tas-Suq tax-Xogħol u investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ innovattiv għandhom jiġu enfasizzati fil-politiki tal-UE għall-industriji u s-servizzi. Għandhom jittieħdu passi biex jiġi studjat kif ftehimiet kollettivi jistgħu joffru appoġġ f'dan ir-rigward.

Persuni fil-livelli kollha għandhom ikunu ppreparati biex jakkwistaw ħiliet ġodda li, fid-dawl tal-isfida soċjali enormi involuta, hija raġuni oħra valida għalfejn għandhom jitrawmu kurrikuli tal-edukazzjoni aġġornati kif ukoll it-tagħlim tul il-ħajja. It-tranżizzjoni taffettwa l-ġenerazzjonijiet kollha, u b'hekk il-ħaddiema anzjani wkoll jridu jingħataw l-opportunità biex jaġġornaw kontinwament il-ħiliet tagħhom. Kull riċerka dwar, jew evalwazzjoni tal-proċess ta' trasformazzjoni trid tgħin biex jiġu identifikati b'mod adegwat il-ħiliet okkupazzjonali u l-kwalifiki.

L-iżvilupp huwa xprunat l-aktar minn kumpaniji żgħar u mikro (ġodda) filwaqt li l-operazzjonijiet il-kbar qed inaqqsu l-forza tax-xogħol tagħhom. Dan il-proċess huwa rifless fit-tisħiħ tal-intrapriżi li għadhom jibdew u l-persuni li jaħdmu għal rashom madwar l-Ewropa. Illum il-ġurnata, persuna tista' tistabbilixxi kumpanija tas-softwer fi żmien jumejn billi tuża għodod li diġà huma disponibbli u li jippermettulha tiżviluppa prodotti malajr u tittestjahom – l'hekk imsejjaħ moviment tal-“lean start-up”.

5.2

Huwa inkwetanti li din il-bidla fundamentali fl-ekonomija, bil-konsegwenzi kollha tagħha għas-soċjetà u s-suq tax-xogħol, għadha ma ġietx analizzata biżżejjed, u mhux qed tiġi diskussa b'mod usa' barra mill-komunitajiet tan-negozju u tax-xjenza.

5.3

Konsegwentement, hemm ħafna raġunijiet għala din it-tranżizzjoni lejn perspettivi totalment ġodda fl-ekonomija għandhom jiġu diskussi b'mod wiesgħa fil-politika u fis-soċjetà, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak tal-UE. Dan il-proċess jolqot il-ħajja ta' kuljum ta' ħafna ċittadini fir-reġjuni u fil-bliet f'termini ta' impjieg kif ukoll ta' qgħad. Għalhekk, ser jinfluwenza wkoll l-għażliet tal-individwi fir-rigward tal-ġejjieni tagħhom. L-aspetti soċjali u kulturali involuti għandhom jiġu enfasizzati u jitqiesu kif dovut.

5.4

Ir-riċerka dwar il-bidliet rapidi fis-suq tax-xogħol, li jridu jiġu mmappjati b'mod preċiż bħala bażi għal edukazzjoni u taħriġ futur, għandha tingħata prijorità taħt it-titolu “Tmexxija industrijali” fl-Orizzont 2020.

5.5

Ħafna impjiegi vulnerabbli huma mhedda u jekk dan il-proċess ma jiġix ġestit tajjeb, se jkollu konsegwenzi soċjali u politiċi. L-UE u l-Istati Membri għalhekk għandhom jistabbilixxu ambjenti politiċi u regolatorji li, apparti li jipprovdu teknoloġija ġdida u indispensabbli, jiżguraw ukoll li jintlaħqu l-għanijiet li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' għajxien u tax-xogħol u tiġi evitata l-polarizzazzjoni bejn il-grupp bi dħul għoli u dak bi dħul baxx.

5.6

L-iżviluppi bejn pajjiż u ieħor mhumiex ugwali. Il-programmi tradizzjonali għandhom jiġu riveduti u l-kurrikuli għandhom jiġu adattati. Il-kumpaniji għaddejjin b'din il-ħidma. Ir-relazzjoni bejn l-edukazzjoni u l-kumpaniji qed tinbidel sabiex inlaħqu mat-tibdil industrijali. Il-ħaddiema għandhom ikunu preparati li jitgħallmu ħiliet differenti u b'mod ġenerali aktar speċjalizzati, u jridu jkunu jistgħu jadattaw għal bidliet rapidi fid-domanda għal ħiliet.

5.7

Dan l-iżvilupp żgur li ma jfissirx enfasi żbilanċata fuq il-kompetenzi tekniċi. Il-kompetenzi intellettwali u soċjali jibqgħu ugwalment importanti. Dawn huma indispensabbli biex inlaħqu mal-iżviluppi kollha fis-soċjetà u l-ħtieġa għal innovazzjoni soċjali li tmur id f'id ma' bidliet fundamentali fl-ekonomija.

5.8

F'dan kollu għandhom jiġu żgurati d-djalogi soċjali fil-livell tal-kumpaniji, settorjali, nazzjonali u tal-UE sabiex jiġu diskussi l-iżviluppi, il-kundizzjonijiet qafas fl-UE u fl-Istati Membri u mezzi u modi kif il-forza tax-xogħol tiġi preparata kif dovut.

6.   Grupp ta' Livell Għoli dwar is-servizzi tan-negozju – l-ewwel pass

6.1

L-impatt tal-intensifikazzjoni tas-servizzi tan-negozju tqiegħed fil-ġenb għal wisq żmien fil-livell tal-UE u fit-tfassil tal-politika tal-UE. Il-qabża kbira mistennija jfisser li huwa dejjem iktar meħtieġ li din is-sitwazzjoni titranġa. Għalhekk, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon, bħala l-ewwel pass, ir-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Servizzi tan-Negozju fl-2013.

6.2

Għalkemm il-Kummissjoni hija involuta fil-proċessi li huma interkonnessi mal-effetti wiesa' tas-servizzi tan-negozju, b'mod partikolari permezz tal-Aġenda Diġitali u l-proġetti ta' riċerka u innovazzjoni, hemm nuqqas ta' stampa ġenerali.

6.3

Is-servizzi tan-negozju jixraqilhom post prominenti f'politika industrijali orjentata lejn il-futur. Ir-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli għandu jwitti t-triq biex ikollna stampa sħiħa tal-iżviluppi u d-definizzjoni tal-passi mixtieqa li għandhom jittieħdu fl-UE.

6.4

Il-Grupp ta' Livell Għoli jidentifika għadd kbir ta' servizzi tan-negozju, minn servizzi professjonali sa servizzi tekniċi u servizzi ta' appoġġ operattiv.

6.5

B'mod partikolari, jagħmilha ċara li s-servizzi tan-negozju ma ġewx ikkunsidrati biżżejjed fil-preparamenti tal-Kummissjoni għall-politiki l-ġodda kif ukoll fid-diskussjonijiet politiċi tal-Kunsill tal-Kompetittività.

6.6

Apparti l-Grupp ta' Livell Għoli, ħames gruppi ta' ħidma fasslu rapport dwar: (i) is-suq uniku, (ii) l-innovazzjoni, (iii) il-ħiliet, (iv) l-istandards u (v) l-kummerċ. Dawn jinkludu bosta osservazzjonijiet analitiċi u kummenti dettaljati dwar il-proċess kontinwu fl-oqsma diskussi kif ukoll dwar l-approċċi mixtieqa għall-politiki u l-azzjonijiet tal-UE.

6.7

Ħafna osservazzjonijiet u proposti fir-rapporti jenfasizzaw il-ħtieġa għal analiżijiet dettaljati tal-UE b'mod parallel ma' gwida politika mtejba u ffokata għall-SMEs li l-KESE, flimkien ma' ħafna esperti, ilu snin jirrakkomanda. Ir-rwol notevoli tal-kumpaniji żgħar u mikro kif ukoll iż-żieda esponenzjali tal-għadd tagħhom fiċ-ċiklu industrijali attwali jenfasizzaw għal darb'oħra l-ħtieġa urġenti għal regolamentazzjoni aħjar, kundizzjonijiet imtejba għas-sħubijiet ta' innovazzjoni u l-enfasi speċjali fuq l-aċċess għall-finanzi.

6.8

Barra mill-ostakli tradizzjonali li qed jiffaċċjaw is-servizzi, meta mqabbla ma' dawk li qed tiffaċċja l-manifattura, l-analiżi turi li, b'mod notevoli, il-frammentazzjoni attwali tas-suq uniku tal-prodotti għandha effetti dannużi addizzjonali wkoll fuq l-iżvilupp transkonfinali u l-istimolazzjoni tas-servizzi tan-negozju. L-Ewropa għadha 'l bogħod mill-ħolqien ta' suq domestiku kbir u ta' suċċess għas-servizzi.

6.9

Il-ħafna proposti għat-titjib tal-ambjent għas-servizzi tan-negozju jenfasizzaw l-importanza kbira ta' dawn tal-aħħar għar-rabta bejn il-manifattura u s-servizzi, u b'hekk għall-perspettiva tat-tisħiħ tal-industrija tal-manifattura fl-Ewropa.

6.10

Għaldaqstant, il-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli u tal-gruppi ta' ħidma hija, fl-opinjoni tal-KESE, punt ta' tluq utli ħafna għat-twettiq ta' analiżi iktar dettaljata u għat-tfassil ta' proposti konkreti mill-Kummissjoni.

Brussell, 16 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-servizzi tan-negozju, li tnieda mid-DĠ Intrapriża u Suq, ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu f'April 2014. B'mod parallel ma' dan, ħames gruppi ta' ħidma ffokaw fuq oqsma speċifiċi.

(2)  Ara b'mod partikolari l-Opinjoni TEN/549 “Niddefinixxu l-futur tal-governanza tal-Internet”, Lulju 2014. (Għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

(3)  Institut der Deutschen Wirtschaft, Cologne, 2013.

(4)  Karti ta' Politika tal-Kummerċ tal-OECD nru 148 “Ir-rwol tas-servizzi għall-kompetittività fil-manifattura”, 2013.

(5)  L-implikazzjonijiet wiesgħa ta' 4.0 jridu jiġu diskussi b'mod separat, u b'mod iktar estensiv fl-opinjonijiet futuri.

(6)  “Rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva strateġika għall-industrija 4.0”, April 2013.

(7)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku – Aġġornament dwar il-Komunikazzjoni tal-Politika Industrijali”, Lulju 2013, b'mod speċjali l-punt 1.2. ĠU C 327, 12.11.13, p. 82.

(8)  Ara f'dan ir-rigward, l-Opinjoni tal-KESE TEN/550 “Iċ-ċiberattakki fl-UE”, Lulju 2014. (Għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

(9)  Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE TEN/548 dwar “Is-soċjetà diġitali: aċċess, edukazzjoni, taħriġ, impjieg, għodod għall-ugwaljanza”, Lulju 2014. (Għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini “L-Ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!”

(COM(2014) 177 final)

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 012/05)

Relatur:

is-Sinjura Le Nouail Marlière

Nhar il-11 ta' Settembru 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini “L-Ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!”

(COM(2014) 177 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Lulju 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’151 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fir-risposta tagħha għall-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ta' suċċess “L-ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!”, il-Kummissjoni tafferma l-importanza tad-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità bħala ġid pubbliku ta' importanza fundamentali u ttenni li “l-ilma mhuwiex prodott kummerċjali”.

1.2

L-ewwel nett, ta' min jilqa' l-fatt li l-appoġġ tal-popolazzjoni għal din l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, kif ukoll ir-rikonoxximent mill-Kummissjoni tal-ispeċifiċità u r-rwol importanti tas-servizzi tal-ilma “biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-popolazzjoni” wasslu għall-esklużjoni tas-servizzi tal-provvista tal-ilma mid-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet.

1.3

B'mod aktar ġenerali, il-KESE japprezza l-impenn tal-Kummissjoni biex taġixxi b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrikjedu li l-UE tibqa' newtrali fir-rigward tad-deċiżjonijiet nazzjonali li jirregolaw ir-reġim ta’ sjieda tal-intrapriżi tad-distribuzzjoni tal-ilma. F'dan ir-rigward, il-KESE huwa konvint li l-ebda deċiżjoni jew att relatat mal-attività tal-UE m'għandu jwassal għal limitazzjoni tal-libertà tal-Istati Membri biex jagħżlu kif jorganizzaw il-provvista tas-servizzi tal-ilma.

1.4

Il-KESE għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi konkreti biex tiżgura r-rispett dejjiemi ta' dan l-impenn fl-oqsma kollha ta' kompetenza tal-UE, kemm fir-rigward tal-Istati Membri Ewropej li jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà kif ukoll fil-kuntest attwali ta' negozjati kummerċjali (bħal dawk tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment u/jew ta' kummerċ tas-servizzi) filwaqt li s-servizzi tal-ilma jiġu esklużi b'mod espliċitu min-negozjati kummerċjali bħal dawk li ssemmew.

1.5

Il-Kumitat jinnota ċerti aspetti pożittivi tar-risposta tal-Kummissjoni Ewropea:

ir-rikonoxximent li l-provvista tas-servizzi tal-ilma hija ġeneralment ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali, li huma l-eqreb taċ-ċittadini;

l-impenn li jiġi promoss aċċess universali għall-ilma u s-sanità fil-politiki ta' żvilupp tagħha permezz ta' sħubija mhux bi skop ta' qligħ; u

il-promozzjoni ta' sħubijiet pubbliċi-privati li għandhom jiġu rikonoxxuti bħala għodda effettiva biex tittejjeb l-effettività tal-awtoritajiet pubbliċi u s-servizzi tal-ilma, mhux biss fil-kuntest tal-iżvilupp internazzjonali iżda wkoll fi ħdan l-UE.

1.6

Il-Kumitat josserva li l-kumpaniji tas-servizzi tal-ilma fin-natura tagħhom huma monopolji, minħabba l-investiment enormi ta' kapital meħtieġ u l-ispejjeż kbar tat-trasport, kif ġie ddikjarat f'rapport reċenti tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, 2003, Assessment of cost recovery through water pricing [Valutazzjoni tal-irkupru tal-ispejjeż permezz tal-ipprezzar tal-ilma], Lussemburgu, p. 28). Għalhekk, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu f'pożizzjoni biex jeżerċitaw kontroll estensiv fuq il-kwalità u l-effettività tas-servizzi provduti mill-kumpaniji tas-servizzi tal-ilma. F'dan il-kuntest, il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni li tirrikonoxxi li t-trasparenza għandha rwol ewlieni x'taqdi.

1.7

Għalhekk, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha aktar favur l-applikazzjoni sħiħa tal-Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (Konsultazzjoni u informazzjoni pubblika) u jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromovi t-tqabbil (“benchmarking”) tas-servizzi tal-ilma fir-rigward ta' indikaturi ta' prestazzjoni ekonomiċi, tekniċi u ta' kwalità, Ir-rabtiet bejn il-livell ta' investimenti, it-tariffa medja tal-ilma u l-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ser ikunu aktar ċari u ser iżidu t-trasparenza fis-settur.

1.8

Il-KESE jqis li r-reviżjoni tad-Direttiva Qafas u tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb għandha sservi ta' opportunità biex jiġu inklużi fihom indikazzjonijiet u prinċipji dwar il-prinċipju tal-aċċess universali, kif ukoll il-prinċipju tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma dwar l-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi leġislazzjoni li tistabbilixxi l-aċċess għall-ilma u għas-sanità bħala dritt tal-bniedem kif definit min-Nazzjonijiet Uniti u biex tippromovi l-provvista tal-ilma u s-sanità bħala servizzi pubbliċi essenzjali għal kulħadd.

1.9

Il-KESE jinnota li, permezz tal-appoġġ tagħhom għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, iċ-ċittadini Ewropej esprimew ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fit-tfassil tal-politika Ewropea u jkollhom sehem fil-kwistjoni tal-ilma bħala ġid pubbliku u servizz ta' interess ġenerali. Għaldaqstant jeħtieġ li l-istituzzjonijiet Ewropej kollha jiftħu l-governanza tal-politika tal-UE dwar l-ilma għall-partijiet interessati kollha u jżidu l-okkażjonijiet għal dibattitu pubbliku dwar il-futur tar-riżorsi tal-ilma.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, introdotta mit-Trattat ta' Lisbona biex tħeġġeġ parteċipazzjoni demokratika akbar taċ-ċittadini fl-affarijiet Ewropej (1), tippermetti lil miljun ċittadin tal-Unjoni Ewropea (UE), li jkunu ġejjin minn tal-inqas seba' Stati Membri, biex jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposta leġislattiva f'oqsma ta' kompetenza tal-UE. Dan huwa l-ewwel strument ta' demokrazija parteċipattiva fil-livell Ewropew.

2.2

Minn mindu l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tnediet f’April 2012, aktar minn 5 miljun ċittadin iffirmaw aktar minn 20 inizjattiva differenti. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew stieden diversi inizjaturi ta' kampanji biex jattendu s-sessjonijiet plenarji tiegħu.

2.3

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-ilma u s-sanità bħala drittijiet tal-bniedem għandha l-għan li tipproponi leġislazzjoni li tistabbilixxi d-dritt għall-ilma u s-sanità bħala dritt tal-bniedem skont it-tifsira tan-Nazzjonijiet Uniti, u li tippromovi l-provvista tal-ilma u s-sanità bħala servizzi pubbliċi essenzjali għal kulħadd. Ġiet ippreżentata lill-KESE matul is-sessjoni plenarja ta' Settembru 2013.

2.4

Bħala tfakkira, dan huwa t-test oriġinali tal-inizjattiva:

L-ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem!

Nistiednu lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipproponi leġiżlazzjoni li timplimenta d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità kif rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti, u tippromwovi l-provvista tal-ilma u s-sanità bħala servizz pubbliku essenzjali għal kulħadd.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE għandha teħtieġ li l-gvernijiet jiżguraw u jipprovdu liċ-ċittadini kollha b’biżżejjed ilma tax-xorb u b’ilma tax-xorb nadif kif ukoll bis-sanità. Inħeġġu li:

1.

L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jkunu obbligati jiżguraw li l-abitanti kollha jgawdu mid-dritt għall-ilma u s-sanità.

2

Il-provvista tal-ilma u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma ma għandhomx ikunu soġġetti għar-'regoli tas-suq intern' u li servizzi tal-ilma jiġu esklużi mil-liberalizzazzjoni.

3

L-UE żżid l-isforzi tagħha biex tikseb aċċess universali għall-ilma u għas-sanità.”

2.5

Fis-17 ta' Frar 2014, wara li l-Kummissjoni vvalidat il-1 6 59  543 firma minn 13-il Stat Membru, il-Parlament Ewropew ipproċeda b'seduta kbira tal-Kumitat taċ-Ċittadini tal-Inizjattiva taċ-Ċittadina dwar l-Ilma, li fiha l-KESE kien mistieden jipparteċipa. Dakinhar stess il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Maros Sefcovic, laqa' wkoll lill-Kumitat taċ-Ċittadini tal-Inizjattiva.

2.6

Fil-Komunikazzjoni tad-19 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-risposta uffiċjali tagħha għall-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li rnexxiet; liema inizjattiva stiednet lill-Kummissjoni “sabiex tipproponi leġiżlazzjoni li timplimenta d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità”.

2.7

Fil-15 ta' April 2014, il-Jum Ewropew tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, il-KESE organizza konferenza dwar “Building up success” [Nibnu s-suċċess] li fiha l-Kumitat taċ-Ċittadini tal-Inizjattiva dwar l-Ilma kien mistieden jipparteċipa. Din il-konferenza laqqgħet numru impressjonanti ta' individwi li jwettqu kampanji fil-qafas tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u ta' atturi kkonċernati fil-KESE, sabiex janalizzaw l-esperjenzi miksuba s'issa u jfasslu lista ta' rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-effettività u l-faċilità tal-użu ta' dan l-istrument ta' demokrazija diretta.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Bħala strument li jniedi dibattitu pubbliku u ta' bini ta' netwerks taċ-ċittadini, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tat xhieda tas-saħħa u s-suċċess tagħha.

3.2

L-ostakli li għandhom jiġu ffaċċati jinsabu fir-reviżjoni tar-regoli dwar l-implimentazzjoni tagħha (2) għaliex ma jikkorrispondux man-natura reali tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Dawn jimponu obbligi komparabbli ma' dawk li jikkorrispondu ma' strument legalment vinkolanti ta' demokrazija diretta li l-impatt legali tiegħu jista' jkun ta' referendum (data personali, effett li jista' jkun dissważiv, proċeduri sproporzjonati) u jissottomettu lill-organizzaturi għal limitazzjonijiet legali sproporzjonati li mhumiex identiċi minn Stat Membru għal ieħor. Jillimitaw l-ambitu ta' kwistjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta' reġistrazzjoni legali għall-evalwazzjoni sovrana tal-Kummissjoni li waħedha tiddetermina jekk is-suġġett huwiex fil-kompetenza tagħha.

3.3

It-tul massimu tat-test tal-preżentazzjoni tal-Inizjattiva reġistrata, bit-titolu, is-suġġett u d-deskrizzjoni inklużi huwa ta' 800 karattru, u minħabba f'hekk il-Kummissjoni qieset li l-inizjattiva ma kellhiex proposti konkreti.

3.4

Ħafna ċittadini Ewropej qatgħu qalbhom li jesprimu l-fehma tagħhom fl-Ewropa u dwar l-Ewropa. Il-Kummissjoni Ewropea futura għandha tagħti attenzjoni għal dan.

3.5

Bħala parti mit-Trattat tal-UE (Artikolu 11(4)), dan l-istrument huwa l-unika għodda legali li għandhom iċ-ċittadini Ewropej ordinarji biex jinfluwenzaw l-aġenda politika tal-UE. Fl-2015, il-PE u l-Kunsill għandhom jirrevedu dawn ir-regoli ta' implimentazzjoni u għandhom jisiltu tagħlimiet minn dawn il-kampanji inizjali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Kumitat jiddikjara b'sodisfazzjon li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej dwar “l-ilma u s-sanità bħala dritt tal-bniedem” obbligat lill-istituzzjonijiet Ewropej biex janalizzaw il-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej u jistqarru li dawn il-preokkupazzjonijiet imorru lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet regolatorji tas-soltu tal-Kummissjoni u li din iddeċidiet teskludi s-servizzi tal-ilma u s-sanità mid-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet.

4.2

Il-Kummissjoni tagħmel sewwa tfakkar fir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-adozzjoni ta' miżuri intiżi biex jgħinu lill-persuni fil-bżonn.

4.3

Tirrikonoxxi wkoll li għandha kompetenzi għad-definizzjoni ta' xi prinċipji fundamentali fil-qasam tal-politika tal-ipprezzar tal-ilma fl-Istati Membri u tfakkar fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, li tistabbilixxi l-prinċipju tal-kopertura integrali tal-ispejjeż.

4.4

Madankollu hemm nuqqas ta' ambizzjoni reali fir-risposta tagħha għall-istennijiet espressi minn aktar minn 1,6 miljun individwu (1,9 miljun firma miġbura) u ma ressqitx proposti ġodda għal strument tal-UE li jistabbilixxi d-dritt tal-bniedem għall-ilma.

4.5

Abbażi ta' eżempji konkreti miġbura minn bliet Ewropej differenti, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-obbligu li jiġu adottati politiki adatti tal-ipprezzar tal-ilma għall-preservazzjoni tar-riżorsi tal-ilma jista' u għandu jiġi konċiljat mal-bżonn assolut li jiġi garantit aċċess universali għal dawn ir-riżorsi permezz ta' mekkaniżmi ta' solidarjetà adatti.

4.6

Il-KESE jqis li r-reviżjoni tad-Direttiva Qafas u tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb għandha sservi ta' opportunità biex jiġu inklużi fihom indikazzjonijiet u prinċipji dwar il-prinċipju tal-aċċess universali u l-prinċipju tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma dwar l-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma.

4.7   Il-garanzija ta' kwalità aħjar u aktar aċċessibbli tal-ilma:

4.7.1

Il-Kumitat jenfasizza li huwa sorpriż li inizjattiva taċ-ċittadini ta' dan id-daqs ġiet indirizzata bi proposta ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-kwalità tal-ilma tax-xorb, li tidher li tirreferi għal mezzi aktar tas-soltu ta' konsultazzjoni, utli iżda li ma jindirizzawx l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.

4.8   Il-garanzija tan-newtralità fir-rigward tal-provvista tas-servizzi tal-ilma:

4.8.1

Jiddikjara wkoll b'sodisfazzjon li l-Kummissjoni qieset il-ħtieġa ta' trasparenza fir-rigward tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tal-ilma fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali.

4.8.2

Minħabba n-natura essenzjali tiegħu, l-ilma għandu jiġi preservat bħala riżorsa fraġli u bħala ġid komuni. Għandha tiġi kkunsidrata n-natura prijoritarja tal-użu tal-ilma għall-bżonnijiet vitali tal-bniedem. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tifhem li għandna nirrikonoxxu l-aċċess għall-ilma u s-sanità u d-disponibbiltà tagħhom fi kwantità suffiċjenti bħala dritt fundamentali tal-bniedem minħabba n-natura vitali tagħhom u d-dinjità. B'hekk għandna neskluduhom mir-regoli kummerċjali tas-suq intern billi tiġi proposta l-klassifikazzjoni mill-ġdid tagħhom bħala servizz mhux ekonomiku ta' interess ġenerali (3).

4.8.3

Il-prodotti neċessarji għas-sopravivenza tan-nies għandhom ikunu s-suġġett ta' approċċ partikolari u jitneħħew mill-ambitu tal-kummerċ ħieles. Minkejja li jeżistu testi uffiċjali li jiddikjaraw li l-ilma mhuwiex prodott kummerċjali jew li kulħadd għandu d-dritt għall-ikel, illum il-ġurnata għadna nisimgħu bil-privatizzazzjoni tas-sorsi tal-ilma, l-ispekulazzjoni mifruxa fil-prodotti alimentari bażiċi u l-ħtif tal-art agrikola fuq skala kbira. Dawn il-fenomeni jikkompromettu direttament l-għajxien tal-aktar persuni żvantaġġati.

4.8.4

Il-Kummissjoni Ewropea hija mistiedna tipproponi miżuri vinkolanti konkreti sabiex tindirizza l-Inizjattiva taċ-Ċittadini kkonċernata, ħaġa li naqset milli tagħmel fil-Komunikazzjoni tagħha. B'mod partikolari, għandu jkun hemm test Ewropew legalment vinkolanti li jipprevedi li l-benefiċċju m'għandux ikun l-għan mixtieq tal-ġestjoni tas-sorsi tal-ilma u tas-servizzi korrispondenti. Jekk dan mhuwiex il-każ, id-dikjarazzjoni li “l-ilma huwa ġid pubbliku” ma tagħmilx sens.

4.9   Il-garanzija ta' provvista tal-ilma permezz ta' servizz pubbliku ta' interess uman:

4.9.1

Il-Kumitat jitlob li jiġi adottat strument Ewropew li jirrikonoxxi d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità kif definit min-Nazzjonijiet Uniti f'Lulju 2010, li huwa wieħed mill-pedamenti tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, flimkien mal-Artikolu 14 tat-TFUE dwar is-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali u l-Protokoll 26 dwar is-Servizzi ta' Interess Ġenerali, u sabiex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista' tirakkomanda lill-Istati Membri biex jirrispettaw dan id-dritt permezz ta' servizz ta' interess ġenerali mhux ekonomiku, fir-rispett tan-newtralità tat-twettiq ta' dan is-servizz distint mill-użu kummerċjali li jista' jsir minnu fil-kuntest industrijali jew agrikolu.

4.10   Approċċ iktar integrat għall-għajnuna għall-iżvilupp:

4.10.1

Il-politika ta' żvilupp u l-impenji finanzjarji tal-UE jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ sod tar-rikonoxximent mill-Istati Membri kollha tal-UE tad-dritt tal-bniedem kif rikonoxxut uffiċjalment min-Nazzjonijiet Uniti f'Lulju 2010, b'mod partikolari biex ikun hemm l-ogħla livell ta' effettività possibbli, peress li l-politika ta' żvilupp u ta' għajnuna f'dan il-qasam b'rabta mad-dritt tal-bniedem jistgħu jippermettu li tiġi miġġielda l-korruzzjoni u jiġu impenjati l-operaturi sottokuntrattati. Il-Kumitat iħeġġeġ u jappoġġja l-approċċ integrat u l-ħolqien ta' sinerġija bejn l-ilma u s-sigurtà tal-ikel. Fir-rigward tas-sinerġija bejn l-ilma u l-enerġija, il-Kumitat jistenna l-elementi proposti biex ikun jista' jiġġudika jekk dawn jirrispettawx l-ispirtu tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fir-rigward tal-protezzjoni tar-riżorża bħala ġid komuni.

Is-saħħa pubblika għandha tkun ukoll fil-qalba tal-preokkupazzjonijiet, b'mod partikolari bl-installazzjoni ta' faċilitajiet sanitarji kulfejn dawn ma jeżistux avolja din il-kwistjoni ftit li xejn tinteressa lill-operaturi.

4.11   Il-promozzjoni ta' sħubijiet pubbliċi-privati:

4.11.1

Il-Kumitat jinnota b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni biex tippromovi aħjar dawn is-sħubijiet mingħajr skop ta' qligħ fis-settur tal-ilma sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet permezz tat-trasferiment tal-għarfien u l-informazzjoni bejn is-servizzi pubbliċi ta' distribuzzjoni tal-ilma u s-sanità, l-awtoritajeit lokali u l-atturi l-oħra, u kif għamel f'okkażjonijiet preċedenti jenfasizza li l-innovazzjoni u l-frott tar-riċerka u tal-iżvilupp li bbenefikaw minn appoġġ pubbliku fil-qafas tas-Seba' Programm Qafas għandhom isiru disponibbli għas-settur mingħajr skop ta' qligħ, l-intrapriżi fl-ekonomija soċjali u solidali, il-muniċipalitajiet, eċċ (4).

4.12   Azzjoni mwettqa b'segwitu għal Rio+20:

4.12.1

Sabiex tappoġġja l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli li għandhom jissostitwixxu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju wara l-2015 u li ser ikunu universali, l-UE għandha tkun koerenti ma' dawn l-għanijiet futuri u tqis li llum il-ġurnata għad hemm bejn miljun u żewġ miljun cittadin Ewropew li m'għandhomx aċċess għar-riżorsa. L-UE għandha ttejjeb l-għarfien tal-Istati Membri tagħha mil-lat ta' informazzjoni (mingħajr dar, Rom, akkomodazzjoni prekarja) sabiex tkun tista' ssib soluzzjoni.

4.13

Il-Kumitat japprova l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kwalità tal-ilma, dwar it-trasparenza tal-ġestjoni, u t-twaqqif ta' djalogu aktar strutturat bejn il-partijiet ikkonċernati, iżda jenfasizza li r-risposta ma tindirizzax il-mistoqsijiet li saru mill-Inizjattiva taċ-Ċittadini dwar l-universalità ta' dritt tal-bniedem, jiġifieri li kull ċittadin u abitant għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu minimu essenzjali ta' ilma irrispettivament mis-sitwazzjoni mil-lat residenzjali, professjonali, eċċ. tiegħu.

4.14

Il-Kummissjoni Ewropea tindika li l-leġislazzjoni tal-UE dejjem qieset l-ispeċifiċitajiet tas-servizzi tal-ilma u tas-sanità u r-rwol importanti li jaqdu biex jissodisfaw il-bżonnijiet essenzjali tal-popolazzjoni.

Il-Kumitat iqis li dan huwa rwol essenzjali u mhux biss importanti u, fid-dawl tal-fatt li dawn huma bżonnijiet essenzjali, iħeġġeġ li dawn il-bżonnijiet essenzjali jiġu sodisfati fil-qafas tas-servizzi pubbliċi ta' interess ġenerali mhux ekonomiku.

4.15

Il-KESE rrakkomanda lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jikkonsolidaw din il-politika peress li l-ilma huwa fundamentali: għaċ-ċittadini, l-industriji, l-agrikolutra, kif ukoll għall-awtoritajiet lokali. L-ilma għandu jingħata importanza ċentrali permezz tal-politika Ewropej kollha billi jiġu enfasizzati l-isfidi fir-rigward tal-ġlieda kontra l-faqar, id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej, is-saħħa pubblika, l-integrazzjoni u l-koeżjoni soċjali.

4.16

Il-KESE jirrakkomanda:

li jiġu valutati l-impatt u l-ispiża ta' politika dwar l-ilma li ma tintegrax dimensjonijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi;

li jkun hemm koerenza bejn l-istrateġiji kkonċernati fir-rigward tal-interessi territorjali differenti fl-Istati Membri;

li jinbena approċċ sostenibbli għall-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, billi jinħolqu strumenti ġodda ta' antiċipazzjoni li jippermettu li jiġu indirizzati l-katastrofi, naturali jew relatati mal-attività tal-bniedem, li jheddu u huma ta' ħsara fuq perjodu qasir taż-żmien għar-riżorsi tal-ilma;

li titnieda mill-ġdid l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħamrija;

li ssir enfasi wkoll fuq talba aktar effiċjenti, li tippreserva u tipproteġi l-ilma;

li jiġu integrati d-djalogu soċjali u l-imsieħba soċjali bħala kontributuri biex jiġu garantiti l-kompiti kollha fid-diversità sħiħa tagħhom u fil-livelli kollha ta' servizzi tal-ilma u ta' sanità.

4.17

Barra minn hekk, il-KESE jissuġġerixxi li:

issir riċerka dwar it-teknoloġiji li jippermettu titjib fis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fis-setturi tal-ilma u s-sanità,

jiġi sfruttat il-kapital tal-għarfien akkumulat minn ċerti NGOs,

tiġi estiża l-lista ta’ sustanzi li jniġġsu (nanoelementi, molekuli kimiċi karċinoġeniċi, mutaġeni u reprotossiċi) li m’għandhomx jinstabu fl-ilma tal-wiċċ jew fl-akwiferi sabiex tiġi protetta s-saħħa taċ-ċittadini, u jsiru rakkomandazzjonijiet armonizzati għall-użu mill-ġdid tal-ilma ttrattat,

jintlaqgħu b’mod favorevoli l-miżuri intiżi għall-preservazzjoni tal-ekosistemi u jiġu appoġġjati l-isforzi għall-preservazzjoni tal-akwiferi naturali.

4.18

Il-politika tal-ilma u tas-sanità għandha tkun integrata f’approċċ ta’ żvilupp sostenibbli li jippermetti li din ir-riżorsa tindirizza l-bżonnijiet attwali tal-popolazzjoni u tiġi ppreservata biex jiġu żgurati l-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini; ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1

(2)  Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini.

(3)  ĠU C 177, 11.6.2014, p. 24–31.

(4)  ĠU C 44, 15.2.2013, pp. 147-152.


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Ġappun”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 012/06)

Relatur:

is-Sinjura Batut

Korelatur:

is-Sinjura Päärendson

Nhar id-19 ta' Settembru 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Ġappun

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-18 ta’ Settembru 2014.

Matul l-502 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u l-11 ta’ Settembru 2014 (seduta tal-11 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’133 vot favur, vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Konklużjonijiet

1.1.1

L-Unjoni u l-Ġappun flimkien jirrappreżentaw aktar minn terz tal-kummerċ dinji. Sħubija bi ftehim ta' kummerċ ħieles (FTA)/ftehim ta' sħubija ekonomika (FSE) ambizzjuż, komprensiv u ta' benefiċċju reċiproku bejn l-UE u l-Ġappun tista' tagħti spinta lill-kummerċ u l-investiment reċiproku u tista' ttejjeb l-ekonomiji tagħhom, toffri aktar opportunitajiet ta' impjieg u tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta' regoli u standards internazzjonali. Iċ-ċittadini tagħhom huma lesti li jilqgħu tqassim ġust tal-benefiċċji mistennija iżda huma attenti u ma jridux li l-istandards rispettivi tagħhom jitnaqqsu.

1.1.2

Il-KESE jilqa' dawn in-negozjati għal ftehim ta' kummerċ ħieles/ftehim ta' sħubija ekonomika mal-Ġappun u speċjalment id-deċiżjoni li jissoktaw wara l-analiżi tal-ewwel sena. Madankollu, il-Kumitat jiddispjaċih għan-nuqqas ta' informazzjoni u ta' trasparenza fir-rigward tan-negozjati li għaddejjin bħalissa. Peress li l-promozzjoni u l-protezzjoni tal-interessi tal-konsumatur huma mezzi essenzjali biex jiġi żgurat appoġġ pubbliku mifrux għall-Ftehim, jitlob li jitwaqqfu mekkaniżmi ta' konsultazzjoni simili għal dawk li ntużaw fin-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) sabiex jiġi żgurat li s-soċjetà ċivili tkun informata aħjar dwar il-vantaġġi komparattivi li jġib miegħu l-ftuħ tas-suq bejn l-UE u l-Ġappun għall-partijiet interessati. F'dan il-kuntest, il-KESE jħeġġeġ liż-żewġ partijiet itejbu t-trasparenza u l-provvista ta' informazzjoni relatata man-negozjati billi joħolqu mekkaniżmu uffiċjali ta' informazzjoni tas-soċjetà ċivili, imbagħad li joħolqu struttura ta' konsultazzjoni fi ħdan il-ftehim. Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota li l-kummerċ fuq iż-żewġ naħat diġà jista' jibbenefika mir-Round Table dwar in-Negozju bejn l-UE u l-Ġappun bħala pjattaforma għall-parteċipazzjoni u l-konsultazzjoni.

1.2   Rakkomandazzjonijiet

1.2.1

Il-KESE jinsisti li jibqa' informat għalkollox dwar ir-reviżjoni tal-istudju tal-impatt tal-2012. Huwa jitlob li jiġi notifikat mill-aktar fis dwar l-iskeda ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-istandards tekniċi u jemmen li qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni għandu jiġi ppubblikat fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE dokument aktar dettaljat mill-analiżi tal-impatt.

1.2.2

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex tagħmel l-almu tagħha biex:

il-valuri li tiddefendi madwar id-dinja jiġu riflessi f'dan il-ftehim, u jiġu ppreservati l-istandards ambjentali, soċjali, sanitarji u kulturali, u li l-benefiċċji tal-ftehim jinqasmu bl-aktar mod ugwali possibbli bejn iċ-ċittadini, il-konsumaturi, il-ħaddiema u l-intrapriżi;

iż-żewġ partijiet ikunu ambizzjużi mhux biss fir-rigward tat-tnaqqis tariffarju iżda wkoll fir-rigward tal-ostakli non-tariffarji, filwaqt li jimpenjaw lilhom innifishom għal livell għoli ta' koerenza regolatorja, mingħajr ma jdgħajfu l-istandards u r-regoli jew il-livell ta' impjieg tagħhom b'mod għalkollox reċiproku, mingħajr ma jiddgħajjef l-impenn tal-UE favur il-multilateraliżmu tad-WTO;

iż-żewġ partijiet jirrikonoxxu li l-promozzjoni tal-interessi u tas-saħħa tal-konsumaturi hija essenzjali;

il-prinċipju ta' prekawzjoni jiġi integrat fil-ftehim u tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-kummerċ tal-prodotti agroalimentari fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi taż-żewġ partijiet;

jiġi dedikat kapitolu għall-SMEs peress li jirrappreżentaw aktar minn 99 % tal-kumpaniji kollha kemm fl-UE kif ukoll fil-Ġappun u huma dawk li prinċipalment joħolqu l-impjiegi l-ġodda; minn dan il-ftehim l-SMEs qed jistennew li jsiru aktar kompetittivi u jantiċipaw inqas restrizzjonijiet. L-għan hu li jittejjeb l-aċċess reċiproku għas-suq u li l-SMEs jibqgħu informati bis-sħiħ dwar l-opportunitajiet ġodda ta' negozju li jistgħu jfeġġu permezz ta' dan il-ftehim;

jiġi inkluż kapitolu ambizzjuż u pożittiv dwar is-servizzi, b'garanziji suffċjenti, li jkun ibbażat fuq ftehimiet eżistenti tal-UE, billi jirrappreżenta opportunità ewlenija f'dawn in-negozjati;

jiġi preservat il-karattru speċifiku tas-servizzi pubbliċi fl-UE, b'konformità mal-obbligi tat-Trattat;

fejn adatt, jiġi żgurat aċċess indaqs għas-swieq tal-akkwist pubbliku miż-żewġ naħat b'ċertezza legali;

jiġi affermat mill-ġdid id-dritt tal-partijiet biex jirregolaw u jistabbilixxu l-prijoritajiet u l-politiki tagħhom fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli, l-impjieg u l-ambjent;

għal dan il-għan, jiġi inkluż kapitolu ambizzjuż dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehim u tingħata pożizzjoni prominenti lis-soċjetà ċivili u li tal-anqas jinkludi:

ir-rispett tal-obbligi minħabba l-appartenenza taż-żewġ partijiet fl-ILO u t-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO bħala kundizzjonijiet minimi;

l-impenn li jiġu promossi u implimentati liġijiet u inizjattivi fir-rigward tal-ambjent;

l-impenn biex ir-riżorsi naturali jiġu ġestiti u użati b'mod sostenibbli b'rispett għall-ftehimiet internazzjonali;

Fid-dawl tan-natura sensittiva ħafna tas-soluzzjoni ta' tilwim bejn investitur u l-Istat (Investor-State Dispute Settlement (ISDS)) u l-fehmiet diverġenti tad-diversi partijiet interessati, il-KESE jilqa' l-eżerċizzju ta' konsultazzjoni pubblika mniedi mill-Kummissjoni Ewropea b'rabta man-negozjati kummerċjali Trans-Atlantiċi u jistenna r-riżultat b'interess kbir (1). Il-KESE jqis li, minħabba s-saħħa tad-demokrazija Ġappuniża, jekk jinġabru l-fehmiet tan-naħa Ġappuniża dwar dan is-suġġett, dawn ikunu jistgħu jinformaw u jikkontribwixxu biex jiġu faċilitati n-negozjati.

1.2.3

Id-djalogu bejn is-soċjetajiet ċivili tal-Ġappun u tal-UE ser jagħmel kontribut importanti għall-ftehim ta' kummerċ ħieles/ftehim ta' sħubija ekonomika. Il-Kumitat jirrakkomanda li jitwaqqaf kumitat konsultattiv konġunt fil-qafas tal-ftehim ta' kummerċ ħieles/ftehim ta' sħubija ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun, simili għal dawk stabbiliti fi ftehimiet oħra li ġew konklużi reċentement mill-Unjoni Ewropea, u li r-rwol tiegħu għandu jiġi diskuss mir-rappreżentanti taż-żewġ soċjetajiet ċivili rispettivi matul in-negozjati. Dan il-kumitat għandu jkollu l-possibbiltà li janalizza kwalunkwe parti tal-ftehim sabiex ikun jista' jressaq fehmtu. Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li tal-anqas nofs il-membri Ewropej ikunu nominati minnu – il-korp konsultattiv tal-UE responsabbli biex jirrappreżenta l-interessi tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea.

1.2.3.1

Il-KESE stabbilixxa kuntatti eċċellenti mal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, l-impjegaturi, il-bdiewa, il-kooperattivi, il-konsumaturi, l-NGOs, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, u l-universitajiet fil-Ġappun (2). Flimkien mal-kumitat ta' segwitu tal-Ġappun, il-KESE jinsab fuq quddiem nett biex jippromovi d-djalogu u l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat.

2.   Preżentazzjoni tal-kuntest

2.1.1

L-UE u l-Ġappun iddeċiedew isaħħu r-rabtiet tagħhom billi jniedu negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles/ftehim ta' sħubija ekonomika. B'mod parallel qed jiġi negozjat ftehim ta' sħubija strateġika (3). Il-Kumitat jilqa' r-riżultat pożittiv tar-reviżjoni tal-ewwel sena u d-deċiżjoni li jitkomplew in-negozjati. Jekk is-suppożizzjonijiet li saru jsiru realtà, l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Ġappun jistgħu jiżdiedu bi 30 %, ikabbar il-PDG tal-UE jista' jiżdied b'0,8 % u jistgħu jinħolqu 4 00  000 impjieg ġdid fl-UE. Il-PDG tal-Ġappun jista' jiżdied b'0,7 % u l-esportazzjonijiet tiegħu lejn l-UE jistgħu jiżdiedu b'24 % filwaqt li l-ftehim jenfasizza wkoll ir-rwol ewlieni li għandha l-UE fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment fl-Asja tal-Lvant (4).

2.1.2

L-UE u l-Ġappun għandhom bosta valuri u prinċipji komuni bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-ekonomija tas-suq b'livell għoli ta' għarfien teknoloġiku. Fl-istess waqt jiffaċċjaw sfidi simili (pereżempju popolazzjonijiet li qed jixjieħu u jonqsu) u jridu jsibu sorsi ġodda ta' tkabbir u impjiegi.

2.1.3

Il-korpi tas-soċjetà ċivili taż-żewġ reġjuni u l-mekkaniżmi ta' konsultazzjoni rispettivi tagħhom mhumiex faċilment interkambjabbli (5). Iżda djalogu dejjem aktar b'saħħtu bejn tali korpi jista' jkun żieda importanti ħafna għal kwalunkwe ftehim. L-UE għamlet id-djalogu soċjali u ċivili l-pedament tal-mudell soċjali tagħha billi provditlu qafas istituzzjonali u l-Ġappun jirrikonoxxi l-importanza tas-soċjetà ċivili fl-aktar sens wiesa' (Kunsill dwar il-politika tax-xogħol, forum pluripartitiku).

2.2

Fil-Ġappun, kif ukoll fl-UE, qed jittieħdu passi biex tissaħħaħ l-ekonomija (6). Id-dejn pubbliku tal-Ġappun bħalissa għadu qrib il-230 % tal-PDG tiegħu. Ir-rata b'saħħitha tal-yen kienet ta' żvantaġġ għall-importazzjonijiet u wara d-diżastru triplu ta' Fukushima, il-kummerċ bl-imnut naqas bi 2,3 % fi żmien sena (Frar 2013).

2.2.1

Il-ftehimiet bilaterali ta' kummerċ ħieles qed jiftħu l-bibien tal-Ġappun għall-kummerċ dinji u wasslu għall-ħolqien ta' żoni ta' integrazzjoni reġjonali. Mill-2002 'il hawn, il-Ġappun ikkonkluda għadd ta' ftehimiet bilaterali mhux biss mal-Asja, iżda wkoll mal-Amerika Latina u l-Isvizzera. Bħalissa qed jinnegozja ftehim trilaterali maċ-Ċina u r-Repubblika tal-Korea. Qed jipparteċipa wkoll fin-negozjati dwar is-Sħubija Trans-Paċifika (TPP).

2.2.2

Il-Ġappun u l-UE diġà ffirmaw xi ftehimiet importanti li jiffaċilitaw il-proċeduri kummerċjali fis-settur tat-telekomunikazzjoni, il-prodotti kimiċi u farmaċewtiċi, fir-rigward tal-prattiki antikompetittivi, ix-xjenza u t-teknoloġija u l-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva (7).

3.   Kummerċ u żvilupp sostenibbli

3.1

It-tiftixa għat-tkabbir ekonomiku permezz ta' riskji kummerċjali globalizzati jista' jkollha impatt fuq l-ambjent (8). Fl-Opinjoni tiegħu dwar in-negozjar ta' ftehimiet kummerċjali ġodda (9), il-Kumitat enfasizza li huwa importanti li fin-negozjati kummerċjali tal-UE jiġi inkluż kapitolu dwar it-tema tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli li jinkludi dispożizzjonijiet ambjentali u soċjali u rwol kruċjali allokat lis-soċjetà ċivili.

3.2

In-negozjati bejn l-UE u l-Ġappun dwar il-ftehim ta' kummerċ ħieles/ftehim dwar sħubija ekonomika joffru liż-żewġ partijiet il-possibbiltà li jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom, fil-livell internazzjonali, favur it-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli: it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp soċjali u l-protezzjoni tal-ambjent. Minn meta ġie ffirmat il-ftehim ta' kummerċ ħieles mar-Repubblika tal-Korea, dawn l-elementi jinsabu fil-qalba tan-negozjati kummerċjali kollha tal-UE u ta' kull ftehim ta' kummerċ ħieles (10). Id-diversità bijoloġika, it-tibdil fil-klima, is-sajd, il-forestrija u l-organiżmi slavaġ jikkostitwixxu prijoritajiet għall-UE u għad-dinja. Il-partijiet għandhom jtennu l-impenn tagħhom lejn il-ftehimiet ambjentali multilaterali.

3.3

Kwalunkwe ftehim ġdid għandu jikkonferma d-dritt tal-Istati Membri tal-UE u tal-Ġappun li jirregolaw u jiddefinixxu prijoritajiet fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli u għandu jħeġġiġhom jirrispettaw l-istandards ta' protezzjoni relatati kemm tal-impjieg kif ukoll tal-ambjent, b'konformità mal-impenji tagħhom fir-rigward tal-istandards u l-ftehimiet internazzjonali f'dawn iż-żewġ oqsma.

3.4

Il-ftehim ta' kummerċ ħieles/ftehim ta' sħubija ekonomika (11) ser joffri l-possibbiltà biex jiġi affermat mill-ġdid dan l-impenn (billi eventwalment jiġu ratifikati u implimentati konvenzjonijiet oħra tal-ILO) (12) u jissaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni fil-livell bilaterali dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw ix-xogħol, inklużi dawk li qegħdin fuq l-Aġenda għax-xogħol deċenti.

3.4.1

Il-KESE, li jirrappreżenta lis-soċjetà ċivili Ewropea kollha, jenfasizza l-fatt li huwa possibbli li l-benefiċċji ta' kwalunkwe ftehim ta' kummerċ ħieles/ftehim ta' sħubija ekonomika ma jinħassux b'mod ugwali (13) mid-diversi Stati Membri jew mid-diversi setturi (14).

3.4.2

Filwaqt li hija mistennija żieda fl-għadd ta' impjiegi (f'termini ta' %) fl-UE fis-setturi tal-magni elettriċi, l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-ikel ipproċessat, l-assigurazzjoni, u dak tal-kostruzzjoni, huwa mistenni tnaqqis żgħir fis-setturi tal-kimika, il-vetturi, il-metall u l-prodotti tal-metall u t-trasport bl-ajru (15). Dawn id-diffikultajiet għandhom jiġu identifikati fi stadju bikri sabiex jiġi implimentat appoġġ u miżuri ta' taħriġ mill-ġdid adatti. Huwa importanti li l-benefiċċji jinqasmu b'mod ugwali bejn in-negozji, l-impjegati, il-konsumaturi u s-soċjetà ċivili usa' filwaqt li jkun hemm salvagwardji kontra kwalunkwe każ ewlieni ta' diżordni u tiġi żgurata l-possibbiltà ta' kumpens għal dan (16).

4.   Konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili

4.1   Informazzjoni u trasparenza

4.1.1

Il-KESE, filwaqt li bi pjaċir jinnota li huwa imsieħeb ewlieni tal-Kummissjoni fi ħdan il-qafas tal-mandat tiegħu, jiddispjaċih għan-nuqqas ta' trasparenza tan-negozjati attwali, punt enfasizzat mill-partijiet interessati taż-żewġ naħat. Il-mandat tal-Kummissjoni ma ġiex ippubblikat, filwaqt li n-negozjati għandhom ikunu kemm jista' jkun miftuħa u trasparenti. Bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea u dik Ġappuniża jilmentaw li ftit li xejn irċevew informazzjoni dwar in-negozjati. Dan jinfluwenza l-kontenut tan-negozjati u l-opportunitajiet biex is-soċjetà ċivili ssemma leħinha dwar din il-kwistjoni. Kif nafu, l-involviment tas-soċjetà ċivili mhux biss jista' jsaħħaħ il-fehim reċiproku tagħna, iżda jista' jtejjeb ukoll il-kwalità tan-negozjati attwali dwar il-ftehim ta' kummerċ ħieles/ftehim ta' sħubija ekonomika f'termini ta' għarfien espert.

4.1.2

Iċ-ċittadini Ewropej qed jappellaw għall-applikazzjoni tat-testi tal-UE li jistabbilixxu l-prinċipju tat-trasparenza. Il-KESE jitlob li t-testi jsiru disponibbli għall-partijiet ikkonċernati fl-aktar stadju bikri possibbli.

4.1.3

B'kunsiderazzjoni tad-domanda leġittima taċ-ċittadini Ewropej biex tiġi garantita trasparenza sħiħa fin-negozjati kummerċjali, il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni stretta u konsistenti tal-Artikolu 218 tat-TFUE, b'mod partikolari l-inċiż 10 tiegħu: “Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura”.

4.1.4

Il-KESE jirrakkomanda li l-KE tistabbilixxi mudell ta' konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili għan-negozjati dwar il-ftehim ta' kummerċ ħieles/ftehim ta' sħubija ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun (sessjoni mal-partijiet interessati wara kull fażi ta' negozjati, ħolqien ta' grupp konsultattiv ta' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li għandu jinkludi membri tal-KESE). Il-Kumitat jifhem ukoll li hemm mekkaniżmu simili għan-negozjati trans-Paċifiċi li jinvolvu lill-Istati Uniti u l-Ġappun.

4.2   Konsultazzjoni

4.2.1

Kif intqal hawn fuq, il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles kollha li ġew konklużi reċentement mill-UE jinkludu kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (17) bi rwol ta' monitoraġġ ewlieni għas-soċjetà ċivili – organizzazzjonijiet indipendenti u rappreżentattivi, li jiggarantixxu rappreżentanza bbilanċjata tal-intrapriżi, il-ħaddiema u l-partijiet interessati l-oħra. Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinkludi wkoll kapitolu bħal dan fil-ftehim mal-Ġappun.

4.2.2

L-awtoritajiet Ġappuniżi jixtiequ jiġġeneraw tkabbir sostenibbli permezz tal-iżvilupp sostenibbli (ara l-“Abenomics” (18)). Il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles konklużi mill-Ġappun mal-imsieħba tiegħu fl-Asja jinkludu dispożizzjonijiet li jipprevedu l-ħolqien ta' sottokumitat inkarigat mill-monitoraġġ tal-impatt tal-ftehim fuq l-ambjent tal-intrapriżi. Għalkemm il-kamp ta' applikazzjoni u l-modalitajiet mhumiex l-istess, kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Ġappun huma midħla tal-prinċipju ta' monitoraġġ tal-impatt tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles u għaldaqstant il-KESE jħeġġeġ l-inklużjoni ta' kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.

4.2.3

Il-gvern Ġappuniż waqqfu għadd ta' kumitati interni u multilaterali sabiex jikkonsultaw lill-intrapriżi fir-rigward tal-impatt li għandhom il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles fuq l-ambjent tal-intrapriżi, u jeżistu korpi konsultattivi sabiex jitlaqqgħu r-rappreżentanti tal-gvern u tal-kooperattivi u l-gvern u t-trejdjunjins. Barra minn hekk, jeżistu strutturi oħra ta' konsultazzjoni fuq firxa wiesgħa bħall-Forum ta' diversi partijiet interessati dwar ir-responsabbiltà soċjali għal futur sostenibbli (MSF) (19) u l-Kunsill dwar il-politika tax-xogħol.

4.3

Il-mudell ekonomiku u soċjali tal-UE “jenfasizza (...) fuq strutturi istituzzjonali sodi għall-ġestjoni ta' kwisjonijiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali u relatati mal-impjieg (...), fuq djalogu soċjali u ċivili b'saħħtu u investiment fil-kapital uman u fuq il-kwalità tal-impjiegi” (20). Il-Kumitat josserva li dan il-mudell jirrifletti l-valuri tal-UE u li l-istituzzjonijiet kollha tagħha għandhom jippromovuh fil-politiki kollha tagħhom.

4.3.1

Il-Kumitat jilqa' l-impenn tal-UE fil-livell internazzjonali (21):

biex tippromovi l-parteċipazzjoni aktar effettiva tal-imsieħba soċjali u ta' rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili fil-governanza dinjija (WTO), l-iżvilupp tal-politika u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali,

biex tippromovi l-valuri Ewropej fl-era tal-globalizzazzjoni (22).

4.3.2

Fir-rigward tal-ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Ġappun, il-Parlament Ewropew irrakkomanda lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni lill-istandards fundamentali fil-qasam tal-liġi dwar ix-xogħol u tipprevedi kapitolu ambizzjuż dwar l-iżvilupp sostenibbli kif ukoll forum tas-soċjetà ċivili inkarigat mill-“kontroll tal-applikazzjoni u t-tressiq ta' osservazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tiegħu”. Il-KESE jinsisti li jiġi kkonsultat u li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu implimentati.

4.4

Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li ppubblikat gwida dwar it-Trasparenza fin-negozjati kummerċjali tal-UE li tipprevedi “li ħidmietha ma jistgħux ikunu ta' suċċess jekk ma jissodisfawx l-istennijiet taċ-ċittadini Ewropej” u li “l-opinjonijiet tas-soċjetà ċivili jaqdu rwol kruċjali fil-fażi preparatorja tan-negozjati” (23).

Il-KESE jixtieq ħafna li:

il-Kummissjoni tkun tista' tagħraf ir-rwol tal-KESE u żżommu infurmat fuq l-aspetti kollha tal-proċess tan-negozjati;

ikun hemm djalogu regolari bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-KESE matul il-proċess kollu tannegozjati;

is-soċjetà ċivili tibqa' taqdi rwol inklużiv matul il-proċess sħiħ tan-negozjati;

fil-ftehim il-Kummissjoni tipprevedi:

mekkaniżmu konġunt ta' monitoraġġ li jinvolvi lis-soċjetà ċivili tal-Ewropa u dik tal-Ġappun, li jinħoloq effettivament matul il-fażi ta' implimentazzjoni;

korpi konsultattivi nazzjonali li jipprovdu opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet lil kull waħda mill-partijiet u lill-awtoritajiet politiċi konġunti kif ukoll lill-awtoritajiet konġunti involuti fil-ftehim, u li jkunu awtorizzati biex jirċievu talbiet minn partijiet interessati oħra (b'mod partikolari dwar il-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli) kif ukoll li jqassmuhom flimkien mal-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom;

il-possibbiltà li tintalab konsultazzjoni jew proċedura ta' soluzzjoni tat-tilwim f'każ li ma jintlaħqux l-objettivi tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli;

korp komuni li jlaqqa' lis-soċjetà ċivili tal-Ewropa u dik tal-Ġappun u li jservi ta' qafas għal djalogu u kooperazzjoni strutturati u regolari bejniethom u kif ukoll għal skambji mar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-UE u tal-Ġappun.

4.5

Kważi r-rappreżentanti kollha tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Ewropa u dik tal-Ġappun li ġew ikkonsultati (24) kienu favur il-ħolqien ta' korp ta' monitoraġġ konġunt fil-qafas tal-ftehim ta' kummerċ ħieles futur.

4.5.1

Il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ għandhom jiġu żviluppati b'kunsiderazzjoni tal-istrutturi eżistenti u b'rispett għall-esperjenzi li għaddew minnhom s'issa l-UE u l-Ġappun. Il-KESE jixtieq jieħu sehem fid-definizzjoni tar-rwol, tal-kamp ta' applikazzjoni u tal-kompożizzjoni tal-grupp konsultattiv tal-UE u tal-korp ta' monitoraġġ konġunt. Kull parti interessata għandha tiġi kkonsultata u l-KESE għandu jkun fattur fundamentali f'dan il-proċess.

4.5.2

Djalogu strutturat bejn ir-rappreżentanti taż-żewġ soċjetajiet ċivili, tal-UE u tal-Ġappun ser iżid dimensjoni importanti għall-ftehim ta' kummerċ ħieles/ftehim ta' sħubija ekonomika, inkluża id-dimensjoni kulturali. Il-KESE jqis li huwa assolutament kruċjali li jinżamm kuntatt mill-qrib mal-kontropartijiet Ġappuniżi, sabiex jiġi żgurat li l-forma, il-kamp ta' applikazzjoni u l-kompożizzjoni ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ komuni futur jissodisfaw l-istennijiet taż-żewġ partijiet.

5.   Kummenti ewlenin

5.1   In-negozjati

5.1.1

Il-Kumitat jilqa' l-fatt li f'Ġunju 2014 (25), ir-rapport pożittiv tal-progress wassal biex il-Kunsill tal-UE jkompli bin-negozjati.

5.1.2

L-għan tal-ftehim huwa li jiżdied l-aċċess għas-suq, li tiġi garantita l-konsistenza regolatorja u li jiġi promoss ukoll l-iżvilupp tal-kummerċ u l-investiment reċiproku. Huwa għandu jħaffef l-iżvilupp sostenibbli, il-ħolqien ta' iktar impjiegi u impjiegi aħjar, itejjeb l-għażliet tal-konsumatur u jiżviluppa l-kompetittività u l-produttività taż-żewġ ekonomiji.

5.1.3

Il-prijorità tal-Unjoni Ewropea hi li tneħħi l-ostakli kummerċjali non-tariffarji (NTB). Fil- “valutazzjoni tal-impatt” (26) tagħha, il-Kummissjoni tindika li dawn l-ostakli ħafna drabi jkollhom oriġini kulturali u effetti protezzjonisti. Il-KESE jinnota li dawn huma diffiċli li jinbidlu meta jkunu bbażati fuq regoli li jinbidlu kontinwament anke jekk ikunu stabbiliti fl-ogħla livell. Xi kultant dawn l-ostakli jipproteġu setturi professjonali sħaħ, bħas-settur ferrovjarju tal-Ġappun.

5.2   Il-kummerċ tal-merkanzija

5.2.1

It-tneħħija tal-ostakli tariffarji għandha tikkonċerna l-prodotti kollha, mingħajr l-esklużjoni tal-prodotti agrikoli u dawk ipproċessati, il-karozzi rikonoxxuti bħala merkanzija “sensittiva”, kif ukoll il-prodotti kimiċi u farmaċewtiċi, b'perjodi ta' tranżizzjoni adatti. b'perjodi ta' tranżizzjoni adatti.

5.2.2

Il-kummerċ jista' jiġi promoss permezz tar-rikonoxximent reċiproku tal-prodotti ċertifikati skont l-istandards ta' prodotti simili u ekwivalenti u l-kooperazzjoni dwar l-armonizzazzjoni tar-regolamenti u s-sistemi fejn huwa possibbli. Madankollu, ser ikun essenzjali li jiġi żgurat li kooperazzjoni bħal din, biex jiġu stabbiliti standards dinjija ġodda, ma twassalx għal tnaqqis ġenerali tal-istandards.

5.2.3

L-ostakli non-tariffarji, li jxekklu l-esportazzjonijiet tal-UE, jintużaw bħala miżuri protezzjonisti mistura. Dawn għandhom jitnaqqsu jew jiġu eliminati, speċjalment fl-oqsma li diġà ġew identifikati matul in-negozjati u l-istandards għandhom jiġu allinjati mill-ġdid mal-istandards internazzjonali.

5.3   L-SMEs

5.3.1

Billi 99 % tan-nisġa ekonomika hija magħmula mill-SMEs kemm fil-Ġappun kif ukoll fl-Ewropa u billi dawn joħolqu 70-80 % tal-impjiegi, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lil dawn l-intrapriżi.

5.3.2

Peress li l-SMEs għandhom riżorsi limitati minħabba d-daqs tagħhom, anke fir-rigward ta' regolamenti governattivi u kummerċjali, huma mistennija li jibbenefikaw mill-ftehim ta' kummerċ ħieles/ftehim ta' sħubija ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun u fuq kollox minn regolamenti armonizzati u tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi. Madankollu jirrikjedu għajnuna sabiex jegħlbu l-ostkli relatati maż-żieda fl-involviment internazzjonali: l-ostakli lingwistiċi, kulturi kummerċjali differenti, spejjeż għoljin tat-trasport, nuqqas ta' persunal b'ħiliet rilevanti, informazzjoni dwar is-swieq barranin u nuqqas ta' biżżejjed riżorsi finanzjarji.

5.3.3

Sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-ftehim ta' kummerċ ħieles/ftehim ta' sħubija ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun, ser ikun kruċjali li ż-żewġ partijiet jagħmlu sforz biex jissensibilizzaw iktar lill-SMEs dwar is-servizzi u l-programmi ta' appoġġ (27) offruti miċ-Ċentru ta' kooperazzjoni industrijali UE-Ġappun (28) u l-JETRO (29) u b'mod partikolari dwar l-opportunitajiet ġodda ta' kummerċ li għandhom jinħolqu b'dan il-ftehim. Pereżempju, l-SMEs Ewropej jistgħu jkunu interessati fis-setturi Ġappuniżi tal-ICT, tal-kura tas-saħħa (30), tas-servizzi, tal-enerġija rinnovabbli, tal-ikel organiku (31) u gourmet.

5.4   Is-settur agroalimentari

5.4.1

Il-liberalizzazzjoni tas-suq tiżgura opportunitajiet ġodda għall-prodotti agroalimentari taż-żewġ imsieħba (żieda ta' 200 %); madankollu, l-agrikoltura hija waħda mill-iktar oqsma kontroversjali għan-negozjar. Is-settur agrikolu tal-Ġappun jista' jiżgura biss 40 % ta' awtosuffiċjenza alimentari, u huwa partikolarment preokkupat. Il-bdiewa Ġappuniżi qed jitolbu li ħames tipi ta' prodotti jkunu esklużi mir-restrizzjonijiet tariffarji ta' kwalunkwe negozjati ma' pajjiżi barranin: ir-ross; iċ-ċanga u l-majjal; il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib; id-dqiq u x-xgħir; iz-zokkor u s-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa. L-UE tqis li l-possibbiltà ta' esportazzjoni fi kwantitajiet ikbar ta' prodotti tal-ikel ipproċessati hija opportunità kbira, speċjalment jekk il-Ġappun ineħħi l-maġġoranza tal-ostakli non-tariffarji tiegħu.

5.4.2

Il-KESE jixtieq li l-kwistjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (32) tiġi ttrattata biex jiġu protetti b'mod indaqs l-innovazzjonijiet Ewropej. Il-kwistjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) kienet punt ta' diskussjoni diffiċli. Il-protezzjoni intellettwali tal-produzzjonijiet agrikoli ta' kwalità tista' tikkostitwixxi ostaklu mistur għall-importazzjoni. Fil-qafas tad-WTO, l-UE u l-Ġappun diġà kellhom approċċ differenti: l-Unjoni xtaqet twessa' l-qasam tal-IĠP lejn livell għoli ta' protezzjoni b'effett vinkolanti (ftehimiet ADPIC – proposta tal-UE tal-1998), u l-Ġappun kien ippropona, flimkien mal-Istati Uniti (1999) li l-membri jikkomunikaw l-IĠ tagħhom lid-WTO biex tinbena bażi tad-data bħala sors ta' informazzjoni għall-membri l-oħra, mingħajr effett vinkolanti. Il-KESE jqis li din hija kwistjoni importanti li għandha tiġi ttrattata b'mod prudenti fin-negozjati.

5.5   Is-servizzi

5.5.1

Fil-Ġappun, kemm il-bdiewa kif ukoll il-konsumaturi huma involuti ħafna fil-moviment tal-kooperattivi, li jinkludu impriżi mutwi u servizzi bankarji. Huma jqisu l-liberalizzazzjoni tas-servizzi bħala theddida, filwaqt li għal ħafna individwi oħra din tirrappreżenta opportunità ewlenija, fost l-oħrajn għall-ekonomija tal-fidda. Is-servizzi joffru ftuħ prinċipali għal żieda konsiderevoli fil-kummerċ.

5.5.2

F'ċifri grossi fl-2012, l-UE27 esportat EUR 24,2 biljun ta' servizzi lejn il-Ġappun, filwaqt li l-importazzjonijiet mill-Ġappun kienu ta' EUR 15,6 biljun – bilanċ pożittiv ta' EUR 8,6 biljun għall-UE27 – meta jiġi kkunsidrat li l-popolazzjoni tal-Ġappun hija erba' darbiet inqas minn dik tal-UE. Kważi l-organizzazzjonijiet kollha kkonsultati li semmew il-liberalizzazzjoni tas-servizzi qalu li kienu kontra l-“lista negattiva”, li permezz tagħha s-servizzi kollha li ma jkunux esklużi espliċitament mit-test tal-ftehim ser ikunu soġġetti li jinfetħu għall-kummerċ. Għalkemm il-bdiewa u l-konsumaturi jistgħu jkunu kontra l-lista negattiva, l-intrapriżi huma favur ferm tagħha. Għall-awtoritajiet pubbliċi, din il-lista negattiva tista' tnaqqas b'mod konsiderevoli l-kamp li jistgħu jintervjenu fih. Is-servizzi futuri jistgħu jaqgħu awtomatikament taħt il-qasam liberalizzat. Il-KESE huwa favur id-dritt mhux restrittiv tal-pajjiżi li jirregolaw l-interess pubbliku.

5.6   L-akkwist pubbliku

5.6.1

Għall-intrapriżi Ewropej, huwa essenzjali li jinkiseb aċċess għall-akkwist pubbliku Ġappuniż bis-saħħa tat-tneħħija ta' ostakli ta' standards, u t-twaqqif ta' proċeduri trasparenti u ta' informazzjoni identika għall-atturi kollha, bil-għan li jkun hemm restrizzjonijiet sensittivi ħafna fis-suq ferrovjarju, u l-ħolqien ta' sistema ta' aċċess għall-informazzjoni onlajn. Minbarra l-impenn politiku imħabbar, in-negozjati konkreti jeħtieġu stabbiltà legali għall-istandards.

5.6.2

Ir-reċiproċità fir-rigward tal-kompetizzjoni ġusta ser tkun indispensabbli. Il-Kumitat iqis li l-ftehim għandu jiċċara għal kollox it-tipi ta' awtorizzazzjoni użati minn parti għall-oħra għall-għajnuna u s-sussidji mill-Istat.

5.6.3

L-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-Ġappun għandhom ikunu jistgħu jżommu l-possibbiltà li jkomplu jiffinanzjaw l-għanijiet ta' interess ġenerali definiti skont il-proċeduri demokratiċi tagħhom li, fost oħrajn, jinkludu s-settur soċjali, l-ambjent u s-saħħa pubblika. L-UE għandha obbligi li jinbtu mit-Trattati fir-rigward tas-servizzi pubbliċi.

5.7   L-investiment  (33)

5.7.1

Fl-2012, l-investiment dirett barrani (IDB) tal-UE27 fil-Ġappun kien ta' EUR 434 miljun, filwaqt li l-IBD tal-Ġappun fl-UE27 kien ta' EUR 3  374 miljun (34). Peress li l-prinċipju ewlieni tal-ftehim ta' kummerċ ħieles/ftehim ta' sħubija ekonomika huwa r-reċiproċità, j ekk il-ftehim iwassal għal telf ta' impjiegi, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex toqgħod attenta għal dan il-fatt u tikkunsidra tuża l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex tikkumpensa għalih. Il-KESE jqis li jista' jkun hemm bżonn li l-intrapriżi, ir-riżorsi umani u t-teknoloġiji li qabel kienu jibbenefikaw mill-fondi pubbliċi jiġu kkumpensati għat-telf li jġarrbu b'mod adegwat.

5.7.2

L-UE u l-Ġappun għandhom jeżaminaw mill-ġdid ir-regoli rispettivi tagħhom li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet fir-rigward tal-proprjetà, l-awtorizzazjonijiet u l-kontrolli, u l-iffaċilitar tal-investimenti.

5.7.3

Il-KESE jinnota li kemm fil-Ġappun kif ukoll fl-UE, il-liġi u anke l-qrati jippermettu s-soluzzjoni ta' tilwim b'mod ekwitabbli fil-qafas ta' proċeduri normali; l-Istati Membri tal-UE u l-Ġappun joffru lill-investituri firxa wiesgħa ta' garanziji istituzzjonali u legali. Fid-dawl tan-natura sensittiva ħafna tas-soluzzjoni ta' tilwim bejn investitur u l-Istat (Investor-State Dispute Settlement (ISDS)) u l-fehmiet diverġenti tad-diversi partijiet interessati, Għaldaqstant, il-KESE jilqa' l-eżerċizzju ta' konsultazzjoni pubblika mniedi mill-Kummissjoni Ewropea b'rabta man-negozjati kummerċjali Trans-Atlantiċi, u jkun sodisfatt ukoll jekk inizjattiva simili tittieħed fil-Ġappun sabiex jitqiesu l-fehmiet tal-partijiet interessati Ġappuniżi.

5.7.4

Il-KESE jissuġġerixxi l-promozzjoni ta' djalogu mifrux dwar is-soluzzjoni ta' tilwim ladarba jiġu stabbiliti t-termini u jiġu evalwati r-riżultati mill-Kummissjoni. Fil-fatt il-Kumitat diġà qed jabbozza l-opinjoni tiegħu f'dan ir-rigward.

5.7.4.1

Fi kwalunkwe każ huwa kruċjali li l-ebda dispożizzjoni li tikkonċerna s-soluzzjoni ta' tilwim fir-rigward tal-investimenti ma tkun tkun tista' timpedixxi l-kapaċità tal-Istati Membri tal-UE li jilleġislaw fl-interess tal-pubbliku jew li jsegwu l-għanijiet tal-politika pubblika. Jeħtieġ li jiġu ċċarati d-definizzjonijiet ta' “investiment” u “trattament ġust u indaqs”. Dan għandu jkun punt fuq l-aġenda tan-negozjati.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Opinjoni tal-KESE, REX/390-EESC-2013-05469, relatur: J. Krawczyk, korelatur: S. Boyle (4.6.2014).

(2)  Fil-Ġappun ġew stabbiliti erba' istituti tal-UE (konsorzji tal-universitajiet) bl-appoġġ finanzjarju tal-KE; fil-Ġappun, l-għalliema tal-università huma kkunsidrati bħala partijiet interessati tas-soċjetà ċivili (http://www.eeas.europa.eu/eu-centres/eu-centres_en.pdf ).

(3)  Il-ftehim ta' sħubija strateġika jkopri l-kooperazzjoni politika, globali u settorjali (bħar-riċerka, l-innovazzjoni, l-ispazju, l-edukazzjoni, il-kultura, l-enerġija, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-ġestjoni tad-diżastri, eċċ.).

(4)  Kummissjoni Ewropea, Impact Assessment Report on EU-Japan Trade relations [Rapport ta' valutazzjoni tal-impatt tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun], punt 5.1.3 (Lulju 2013).

(5)  ĠU C 97/34 28.4.2007, p. 34.

(6)  It-“tliet vleġeġ” tal-Prim Ministru Shinzō Abe jikkostitwixxu l-“Abenomics”: kombinazzjoni ta' miżuri minn 3 oqsma ewlenin: il-politika monetarja, l-istimolu fiskali u r-riformi strutturali sabiex jiġi żgurat tkabbir sostenibbli fit-tul tal-ekonomija tal-Ġappun u jiġi stimolat l-investiment kapitali tas-settur privat.

(7)  Dawn il-ftehimiet li ġejjin: ftehim ta' rikonoxximent reċiproku UE-Ġappun; ftehim dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-prattiki antikompetittivi; ftehim dwar ix-xjenza u t-teknoloġija u ftehim dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka.

(8)  COM 2006-567 final, http://europa.eu/legislation_summaries/external_trade/r11022_fr.htm

(9)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 82-89.

(10)  Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Korea (Kapitolu 13), ĠU L 127, 14.5.2011, p.62-65.

(11)  Ara l-Artikolu 13.4.3 tal-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Korea ĠU L 127 14.5.2011 , pp. 62-65.

(12)  Il-konvenzjonijiet numri 87 u 98 dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt għal negozjar kollettiv, 29 u 105 dwar it-tneħħija tax-xogħol furzat jew obbligatorju, 138 u 182 dwar l-abolizzjoni tat-tħaddim tat-tfal, u 100 u 111 dwar l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u tal-professjonijiet.

(13)  Komunikazzjoni COM(2010) 343 final.

(14)  Kummissjoni Ewropea, ibid., punti 5.2.2, 5.3 u 5.6.2.

(15)  EC's Impact Assessment Report on EU-Japan Trade relations [Rapport tal-KE ta' valutazzjoni tal-impatt tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun], (2012), p. 49.

(16)  Pereżempju l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.

(17)  Artikoli 11 u 21(2)(f) tat-TFUE.

(18)  It-tliet vleġeġ tal-“Abenomics” bil-għan li jagħtu spinta ġdida lit-tkabbir; ara http://www.eu.emb-japan.go.jp; http://en.wikipedia.org/wiki/Abenomics , kif ukoll l-artikolu ta' Wolff u Yoshii bit-titolu “Japan and the EU in the global economy” [Il-Ġappun u l-UE fl-ekonomija dinjija], April 2014, fis-sit http://bit.ly/1mLgY2r

(19)  MSF: http://sustainability.go.jp/forum/english/index.html

(20)  COM(2004) 383 final, 18 ta' Mejju 2004, “The Social Dimension of Globalisation” [Id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni] (mhux disponibbli bil-Malti).

(21)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar xogħol deċenti, Mejju 2006, COM(2006) 249 final, punti 2.3 u 3.5.

(22)  Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill, 16 u 17 ta' Diċembru 2004, punt 53 u tas-16 u s-17 ta' Ġunju 2005, punt 31.

(23)  Kummissjoni Ewropea, “Transparency in EU Trade negotiations” [It-trasparenza fin-negozjati kummerċjali tal-UE], 2012; kif ukoll: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2012/june/tradoc_149616.pdf

(24)  Matul seduta organizzata mill-KESE nhar il-15 ta' Jannar 2014, u matul il-missjoni li ġiet organizzata wara fil-Ġappun fl-aħħar ta' Jannar 2014, b'kollox ġew ikkonsultati 40 organizzazzjoni, imsieħba soċjali u atturi oħra kkonċernati u dawn qasmu l-fehmiet, l-istennijiet u l-preokkupazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-ftehim ta' kummerċ ħieles futur bejn l-UE u l-Ġappun.

(25)  Il-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Ottubru 2012, punt 2(k); il-Kunsill tal-Affarijiet Esterni (Kummerċ) tal-UE, 29 ta' Novembru 2012, l-għoti ta' mandat ta' negozjar lill-Kummissjoni għall-ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Ġappun; il-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2014.

(26)  Kummissjoni Ewropea 2012, “Impact Assessment Report on EU-Japan trade relations” [Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun], http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2012/july/tradoc_149809.pdf

(27)  http://www.eu-japan.eu/smes-support ; http://www.jetro.go.jp/en/database

(28)  http://www.eu-japan.eu/smes-support

(29)  https://www.jetro.go.jp/en/database/

(30)  38 % tal-popolazzjoni tal-Ġappun hija mistennija jkollha 65 sena jew aktar fl-2050.

(31)  L-ikel organiku jirrappreżenta biss madwar 0,4 % tal-ikel kollu mibjugħ fil-Ġappun (data tal-EBC).

(32)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 28.

(33)  Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-kompetenza fil-qasam tal-investiment. Hija ppubblikat Komunikazzjoni intitolata “Lejn politika komprensiva ta’ investiment internazzjonali Ewropew”, li l-Kumitat wieġeb għaliha billi ħejja Opinjoni (ĠU C 318, 29.10.2011, p. 150-154).

(34)  Sors: Eurostat 170/2013 – 18 ta' Novembru 2013.


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina fil-kuntest tal-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 012/07)

Relatur:

is-Sur Andrzej Adamczyk

Fis-27 ta' Frar 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina fil-kuntest tal-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Settembru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ottubru (seduta tas-16 ta’ Ottubru 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’173 vot favur, 2 voti kontra u 15-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE għandu jippromovi b'mod attiv il-konsolidazzjoni politika, soċjali u ekonomika tal-Ukraina kif ukoll is-soluzzjoni paċifika tal-kunflitt attwali fir-reġjuni ta' Donetsk u Lugansk. L-attivitajiet tal-KESE fl-Ukraina ser jappoġġjaw il-proċess tad-demokratizzazzjoni, l-integrità territorjali, id-djalogu soċjali u ċivili tal-partijiet interessati kollha b'leġittimità pubblika u rappreżentanza.

1.2

Il-KESE beħsiebu jistieden spettru wiesa' mis-soċjetà ċivili tal-Ukraina biex jieħu sehem fil-kooperazzjoni u beħsiebu wkoll jinkludi lil dawk li għadhom xettiċi jew ostili għat-tranżizzjoni politika reċenti u t-tqarrib mal-UE.

1.3

Ġie rrakkomandat ukoll li tkompli tiġi żviluppata l-kooperazzjoni fuq bażi bilaterali bejn l-organizzazzjonijiet imsieħba fl-UE u l-Ukraina b'enfasi speċjali fuq il-bini tal-kapaċità, il-prattiki tajbin kif ukoll it-tisħiħ tad-djalogu soċjali u ċivili.

1.4

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, il-KESE għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili konġunta li tinkludi membri tal-KESE u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina. Korp simili ser jinħoloq taħt id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA) sabiex jiġi rispettat ir-rekwiżit tat-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ għas-soċjetà ċivili. Iż-żewġ korpi għandhom jikkooperaw kemm jista' jkun mill-qrib.

1.5

Il-KESE ser jorganizza attivitajiet ta' informazzjoni dwar il-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni kif ukoll dwar l-integrazzjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet u l-acquis communautaire.

1.6

Ir-rekwiżiti ta' viża għandhom jitneħħew għaċ-ċittadini tal-Ukraina hekk kif ikun teknikament possibbli sabiex jitrawmu kuntatti bejn l-individwi u bħala miżura għat-tiswir tal-fiduċja.

1.7

Għandha tiġi inkluża formalment perspettiva Ewropea għall-Ukraina fl-aġenda tal-UE.

2.   Is-Sħubija tal-Lvant: id-dimensjoni tal-Lvant tal-Politika Ewropea tal-Viċinat bħala qafas istituzzjonali għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina

2.1

L-avvenimenti drammatiċi li laqtu lill-Ukraina fix-xhur reċenti bdew bir-reazzjoni pubblika għad-deċiżjoni tal-gvern li jissospendi arranġamenti biex jiffirma ftehim ta' assoċjazzjoni fi ħdan il-qafas tas-Sħubija tal-Lvant.

2.2

Apparti l-konklużjoni ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni bilaterali, li ser jissostitwixxu l-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni, il-parti bilaterali tas-Sħubija tal-Lvant għandha l-għan ukoll li jiġu ffaċilitati l-iskemi mingħajr viżi kif ukoll li tiġi żviluppata l-kooperazzjoni settorjali, u tipprovdi opportunità għall-pajjiżi msieħba biex jissieħbu fil-Programmi u l-Aġenziji tal-UE. Tinkludi wkoll Programm għall-Bini Istituzzjonali Komprensiv, li huwa għodda intiża għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi tal-pajjiżi msieħba biex jimplimentaw ir-riformi u d-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni. Id-dimensjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant hija bbażata fuq erba' pjattaformi multilaterali (id-demokrazija, il-governanza tajba u l-istabbiltà; l-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza mal-politiki tal-UE; is-sigurtà tal-enerġija; il-kuntatti bejn in-nies) immirati lejn it-trawwim tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba, u bejn il-pajjiżi msieħba nnifishom.

2.3

Waħda mill-prijoritajiet tas-Sħubija tal-Lvant hija li tinvolvi lis-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tagħha, kemm fil-pajjiżi msieħba kif ukoll fl-UE. Għal dan il-għan, f'Novembru 2009 twaqqaf il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant bil-parteċipazzjoni tal-KESE.

2.4

Madankollu, il-politika tas-Sħubija tal-Lvant issa tinsab f'salib it-toroq b'riżultat tal-bidla mhux mistennija fid-direzzjoni tal-impenn ta' xi pajjiżi u l-avvenimenti drammatiċi fl-Ukraina. Id-diffikultajiet iffaċċjati mis-Sħubija tal-Lvant matul dawn l-aħħar snin fil-pajjiżi li s'issa għamlu l-ikbar progress lejn l-iffirmar tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni huma fil-biċċa l-kbira tagħhom ir-riżultat ta' manuvri mir-Russja, li qed tipprova tipprevjeni rabtiet iktar mill-qrib bejn il-pajjiżi msieħba u l-UE.

2.4.1

Minkejja l-konklużjoni ta' negozjati mal-Armenja dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni kif ukoll id-DCFTA, dawn id-dokumenti ma setgħux jiġu inizjalati minħabba li f'Settembru 2013 l-Armenja ħabbret li kien beħsiebha tissieħeb fl-Unjoni Doganali Ewro-Asjatika mnedija mir-Russja.

2.4.2

Minkejja l-pressjoni mir-Russja u t-telf ta' żewġ provinċji (Abkhazia u l-Ossezja tan-Nofsinhar), li bħalissa huma taħt kontroll Russu, il-Ġeorġja għadha impenjata fit-triq Ewropea u żgurat li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż id-DCFTA ġie inizjalat fis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Vilnius f'Novembru 2013 u mbagħad ġie ffirmat f'Ġunju 2014.

2.4.3

Il-Moldova, li ffirmat ukoll il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li ġie inizjalat f'Vilnius, tinsab ukoll taħt pressjoni mir-Russja, li stazzjonat il-forzi armati tagħha fit-Transnistrija u issa qed tikkontrolla r-reġjun. Bl-appoġġ tar-Russja wkoll, ġie organizzat referendum illegali f'territorju awtonomu ieħor tal-Moldova, fil-Gagauzia, u r-riżultat kien favur is-sħubija fl-Unjoni Doganali Ewro-Asjatika.

2.4.4

Is-sħubija fid-WTO hija prekundizzjoni għad-dħul f'taħdidiet dwar id-DCFTA, u għaldaqstant, l-Azerbajġan u l-Bjelorussja, li mhumiex imsieħba tad-WTO, ma jistgħux jibdew in-negozjati. Barra minn hekk, minħabba defiċit demokratiku serju fil-Bjelorussja, il-politika bilaterali tal-UE b'rabta ma' dan il-pajjiż għadha fil-livell ta' djalogu kritiku.

2.4.5

L-Ukraina hija l-ikbar u l-aktar pajjiż post-Sovjetiku importanti wara r-Russja li, b'riżultat tal-bidla lejn triq pro-Ewropea, diġà tilfet il-Krimea u Sevastopol wara l-annessjoni tagħhom mir-Russja, u kienet soġġetta għal aktar atti ta' sabotaġġ u sovversjoni mir-Russja. L-azzjonijiet tar-Russja huma eżempju partikolarment drammatiku ta' interferenza esterna, li apparti li qed thedded l-integrità territorjali u s-sovrenità tal-Ukraina, qed ikollha impatt estremament destruttiv fuq l-organizzazzjonijiet tais-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tagħha. Dawn l-atti m'humiex biss ksur ċar tal-liġi internazzjonali iżda jmorru wkoll kontra ż-żewġ prinċipji li huma l-pedamenti tar-relazzjonijiet paċifiċi bejn il-pajjiżi indipendenti – l-ewwel nett li l-fruntieri m'għandhomx jinbidlu bil-forza u t-tieni nett li l-pajjiżi jistgħu jieħdu deċiżjonijiet sovrani dwar il-ġejjieni tagħhom mingħajr indħil estern.

3.   L-aspirazzjonijiet Ewropej tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina

3.1

Ir-Rivoluzzjoni Oranġjo tal-2004 ikkontribwixxiet għal proċess ta' demokratizzazzjoni fuq skala kbira u l-introduzzjoni tal-istat tad-dritt fl-Ukraina – tal-anqas għal ċertu perjodu – u għall-ħelsien tal-midja, li sal-lum il-ġurnata għadha intatta. Dan kien akkumpanjat minn rabtiet aktar mill-qrib mal-UE.

3.1.1

Fl-2005, ġie adottat il-Pjan ta' Azzjoni UE-Ukraina dwar is-saħħa tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni tal-UE-Ukraina tal-1998. Fl-2007, bdew in-negozjati dwar Ftehim ta' Assoċjazzjoni. L-adozzjoni tal-politika dwar is-Sħubija tal-Lvant f'Mejju 2009 tat impetus ġdid lil din il-kooperazzjoni.

3.1.2

Ir-rabtiet aktar mill-qrib u l-istabbiliment ta' kooperazzjoni ġenwina f'ħafna oqsma kif ukoll entużjażmu mifrux wara r-Rivoluzzjoni Oranġjo fissru li sehem konsiderevoli tal-popolazzjoni u ħafna organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ħassew li s-sħubija prospettiva fl-UE kienet konklużjoni ovvja u inevitabbli għall-Ukraina u li s-sħubija kienet qed tiddependi biss mill-iskeda u l-pass tat-trasformazzjoni u l-adattament tal-istandards Ewropej.

3.1.3

Is-Sħubija tal-Lvant ma pprovdietx lill-Ukraina bil-perspettiva ta' adeżjoni fit-tul tal-UE mistennija, u dan kien ta' diżappunt u ta' frustrazzjoni għal dawk li appoġġaw l-orjentazzjoni Ewropea. Is-sitwazzjoni marret għall-agħar bl-abbandun gradwali tal-kisbiet demokratiċi tar-Rivoluzzjoni Oranġjo, id-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika u ż-żieda fil-problemi soċjali.

3.1.4

Il-frustrazzjoni tal-pubbliku, li ssarrfet f'apatija fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, aggravat bil-kunflitt dejjem jikber bejn il-mexxejja tar-Rivoluzzjoni Oranġjo, il-President Viktor Yushchenko u l-Prim Ministru Yulia Tymoshenko. Xi drabi, dan il-kunflitt ipparaliżża t-teħid tad-deċiżjonijiet minħabba dispożizzjonijiet mhux fattibbli fil-kostituzzjoni tal-Ukraina. Il-kumulazzjoni tal-kriżi ekonomika globali u l-politiki impotenti tal-President Yanukovich (elett fl-2010) saħansitra aggravaw is-sitwazzjoni.

3.2

Il-KESE ilu żmien twil isegwi politika attiva ta' kooperazzjoni mal-Ukraina. Madankollu, l-aggravazzjoni tal-klima politika u soċjali u d-diżappunt tal-organizzazzjonijiet imsieħba fir-rigward tan-nuqqas ta' prospetti ta' adeżjoni fissru li r-relazzjonijiet staġnaw f'ċertu punt fl-2011-2012 b'waqfien fl-attività min-naħa tal-Ukraina u n-nuqqas ta' interess fir-relazzjonijiet.

3.3

Wara li ġie inizjalat il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni f'Diċembru 2012 u saru sforzi intensi u twettqu negozjati bil-għan li jiġi ffirmat il-Ftehim matul is-Summit tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnius f'Novembru 2013, kien hemm interess imġedded fil-kooperazzjoni fost l-imsieħba Ukreni tagħna u ngħatat spinta lir-rabtiet attivi mal-KESE.

3.4

Madankollu, il-kuntatti mġedda wrew li l-imsieħba soċjali, kemm min-naħa tal-impjegaturi kif ukoll dik tat-trejdjunjins, kienu diviżi dwar il-kwistjoni tal-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Ladarba dan intqal, firxa wiesgħa ħafna ta' NGOs u rappreżentanti ta' interessi oħra ppreżentaw front relattivament magħqud favur l-Ewropa.

3.5

Irrispettivament mill-pożizzjoni li adottaw u r-riżultati tan-negozjati bil-għan li jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li prevedew, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti governattivi wkoll kienu sorpriżi bil-fatt li l-gvern tal-Ukraina u l-amministrazzjoni presidenzjali waqqfu t-taħdidiet u ssospendew it-tħejjijiet għall-iffirmar tal-Ftehim.

3.6

Il-fatt li twaqqfu t-taħdidiet ħabta u sabta, mingħajr raġuni ovvja, ftit jiem qabel is-Summit ta' Vilnius, flimkien mal-proposta sorprendenti tal-gvern tal-Ukraina biex in-negozjati ulterjuri mal-UE jsiru bil-parteċipazzjoni tar-Russja wasslu għall-mobilizzazzjoni rapida tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina, li esprimiet fehmietha b'mod għalkollox ċar favur triq Ewropea għall-Ukraina.

3.7

Il-“Euromaidan” probabbilment kienet l-ikbar demostrazzjoni fl-istorja favur l-integrazzjoni Ewropea, u l-itwal waħda li qatt saret b'konvinzjoni tant assoluta. Fi stadju aktar tard, id-demostranti ngħaqdu minn forzi li kienu qed jintroduċu wkoll talbiet politiċi biex jinbidel ir-reġim, li rreaġixxa b'oppressjoni vjolenti u dan ħalla vittmi umani. Id-demostrazzjonijiet wasslu għal bidliet politiċi li servew bħala skuża biex jiġu provokati aktar avvenimenti traġiċi u drammatiċi.

3.8

Issa, wara elezzjonijiet presidenzjali ta' suċċess, jidher li l-bini ta' rabtiet mill-qrib mal-UE qed issir waħda mill-prijoritajiet tal-amministrazzjoni l-ġdida. Din il-bidla fid-direzzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala suċċess enormi tal-Euromaidan u s-soċjetà ċivili tal-Ukraina. Għad irridu naraw jekk is-sitwazzjoni ġenerali hijiex ser tistabbilizza fit-territorju kollu tal-Ukraina u jekk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili humiex ser jibbenefikaw minn din it-trasformazzjoni politika.

3.9

L-attitudni lejn il-bidliet politiċi fi ħdan is-soċjetà ċivili u l-opinjoni f'dan ir-rigward fil-Lvant tal-Ukraina mhux ser ikunu ċari sakemm il-merċenarji armati u l-gruppi tal-gwerilla jibqgħu joperaw fir-reġjun u l-libertà tal-espressjoni tibqa' mhedda. Madankollu, ta' min jinnota li l-Lvant kien irrappreżentat b'mod qawwi ħafna fil-Euromaidan.

4.   Il-konsegwenzi tal-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u d-DCFTA

4.1

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina jirrappreżenta ġenerazzjoni ġdida ta' ftehimiet maħluqa għall-benefiċċju ta' pajjiżi li jikkooperaw fi ħdan il-qafas tas-Sħubija tal-Lvant u jipprovdi għall-iżvilupp ta' kooperazzjoni b'dispożizzjonijiet vinkolanti fi kważi l-oqsma kollha. Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jistabbilixxi pjan ta' riforma għall-Ukraina abbażi ta' armonizzazzjoni komprensiva tal-leġislazzjoni tagħha mal-istandards tal-UE.

4.2

Apparti d-DCFTA, li huwa ftehim ta' kummerċ b'effett konsiderevoli fuq l-istandards u r-regolamenti, l-oqsma ewlenin ta' kooperazzjoni jkopru: il-ġustizzja, l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-politika esterna u s-sigurtà, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, l-impjieg, il-politika soċjali u l-opportunitajiet indaqs, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-politika industrijali u l-intraprenditorija, l-enerġija, it-trasport u l-ambjent. L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mad-DCFTA tfisser li l-Ukraina ser ikollha tarmonizza l-leġislazzjoni nazzjonali tagħha ma' madwar 85 % tal-acquis communautaire tal-UE b'rabta mal-kummerċ u l-ekonomija.

4.3

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ġie ffirmat fis-27 ta' Ġunju 2014 u wara ġie rratifikat mill-Parlament Ewropew u mill-Verhovna Rada tal-Ukraina fis-16 ta' Settembru. Dan jippermetti l-implimentazzjoni provviżorja tiegħu anke qabel ir-ratifikazzjoni mit-28 Stat Membru tal-UE. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-parti tad-DCFTA tal-Ftehim ser tiġi posposta sal-aħħar tas-sena d-dieħla, iżda l-UE ser tkompli ttaffi r-regoli kummerċjali tagħha dwar il-merkanzija li tkun ġejja mill-Ukraina.

4.3.1

L-implimentazzjoni tal-Ftehim tipprovdi għall-ħolqien ta' Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili bħala forum konġunt għall-iskambju ta' fehmiet, li jinkludi membri tal-KESE u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata tal-Ukraina. Fid-dawl tal-ispettru wiesa' tal-kwistjonijiet koperti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, il-Pjattaforma għandha tkun kemm jista' jkun rappreżentattiva tas-soċjetà ċivili kollha u għalhekk għandha tinkludi rappreżentanti kemm tal-imsieħba soċjali kif ukoll tal-interessi varji l-oħra.

4.3.2

Apparti li tkun forum għall-iskambju ta' informazzjoni u dibattitu, l-għan bażiku tal-Pjattaforma huwa li ssegwi l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u tressaq il-fehmiet u l-proposti tas-soċjetà ċivili organizzata.

4.3.3

Il-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili għandha tistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tagħha stess. Bħalissa għaddejjin taħdidiet bejn ir-rappreżentanti tal-KESE u l-Ukraina dwar il-proċedura għat-twaqqif ta' dan il-korp u l-membri tiegħu. Huwa maħsub li jiġu adottati l-prinċipji bażiċi li ġejjin:

L-għadd ta' rappreżentati min-naħa Ewropea u dik tal-Ukraina ser ikun l-istess.

Il-membri jkollhom mandat ta' sentejn u nofs. Matul dan il-perjodu għandhom jiġu organizzati ħames laqgħat.

Il-pjattaforma għandha żewġ kopresidenti, wieħed minn kull naħa, eletti għal mandat ta' sentejn u nofs.

Il-proċedura għall-għażla tal-membri tal-pjattaforma għandha tkun kompletament trasparenti.

Il-laqgħat tal-pjattaforma għandhom ikunu miftuħa wkoll għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li mhumiex irrappreżentati fiha.

4.3.4

Il-Ftehim tad-DCFTA għandu jipprovdi wkoll għall-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ għas-soċjetà ċivili fi żmien sena minn meta jidħol fis-seħħ. Korp li jinħoloq għal dan il-għan għandu jaħdem kemm jista' jkun mill-qrib mal-Pjattaforma tas-Soċjeta Ċivili.

5.   Prospetti futuri għas-soċjetà ċivili tal-Ukraina u r-rwol tal-KESE

5.1

Il-KESE għandu jippromovi b'mod attiv il-konsolidazzjoni politika, soċjali u ekonomika tal-Ukraina kif ukoll is-soluzzjoni paċifika tal-kunflitt attwali fir-reġjuni ta' Donetsk u Lugansk. Ladarba tistabbilizza s-sitwazzjoni fl-Ukraina u ma jibqax ikun hemm theddid ta' intervent estern u kunflitt min-naħa tal-milizzji armati, is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata kemm fi ħdan l-organizzazzjonijiet individwali kif ukoll fir-rigward tal-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina issir aktar ċara.

5.1.1

L-Ukraina bħalissa għaddejja minn trasformazzjoni politika profonda inkluż riforma kostituzzjonali li jaf tkun aktar profonda mill-bidliet li seħħew wara r-Rivoluzzjoni Oranġjo. Dan jista' jwassal għal ristrutturar u bidla fl-istatus tal-istituzzjonijiet tal-Ukraina u l-prattiki kemm tad-djalogu soċjali kif ukoll tad-djalogu bejn l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili. Dan il-proċess għandu jiġi ffaċilitat permezz ta' tibdil fil-leġislazzjoni tal-Ukraina sabiex ikun hemm aktar istituzzjonijiet li jinkludu d-djalogu soċjali u ċivili għal organizzazzjonijiet ġenwini u indipendenti. Il-KESE ser isegwi l-iżviluppi u l-pożizzjonijiet li ser jadottaw l-organizzazzjonijiet imsieħba tagħna fir-rigward ta' dawn il-bidliet.

5.1.2

Kemm qabel il-bidu tal-“Euromaidan” kif ukoll matul id-demostrazzjonijiet, inxteħet dubju fuq l-awtentiċità u l-indipendenza ta' wħud mill-organizzazzjonijiet imsieħba tagħna. Dan nieda proċess ta' tibdil fir-rigward tal-mod kif joperaw xi organizzazzjonijiet, li, sakemm ma jirriżultax li dan kien eżerċizzju superfiċjali, jista' jibda jibni mill-ġdid il-fiduċja tal-pubbliku f'dawn l-organizzazzjonijiet. B'mod partikolari, il-pubbliku u l-NGOs ikkunsidraw lil xi trejdjunjins u organizzazzjonijiet tal-impjegaturi bħala parti mis-sistema u b'hekk irrifjutawlhom id-dritt li jkunu affiljati mas-soċjetà ċivili.

5.1.3

Il-KESE lest jintensifika l-kuntatti bilaterali tiegħu mal-organizzazzjonijiet imsieħba kemm fl-Ukraina kif ukoll fir-Russja sabiex jikkontribwixxi għal rabtiet aħjar bejn is-soċjetajiet ċivili tagħhom kif ukoll biex jinstabu modi lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet taż-żewġ pajjiżi.

5.2

L-attivitajiet tal-KESE fl-Ukraina ser ikunu bbażati fuq il-prinċipju tal-appoġġ għall-proċess tad-demokratizzazzjoni tal-pajjiż, l-integrità territorjali, id-djalogu soċjali u ċivili bejn il-partijiet interessati kollha b'leġittimità pubblika u rappreżentanza. Il-KESE ser jagħti prijorità lir-relazzjonijiet mal-imsieħba naturali tiegħu, jiġifieri l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina.

5.3

Il-KESE beħsiebu jistieden spettru wiesa' kemm jista' jkun mis-soċjetà ċivili tal-Ukraina biex jieħu sehem fil-kooperazzjoni u beħsiebu wkoll jinkludi lil dawk li għadhom xettiċi jew ostili għat-tranżizzjoni politika reċenti u t-tqarrib mal-UE, filwaqt li jiżgura li ma tintnesa l-ebda organizzazzjoni rappreżentattiva importanti. Il-Pjattaforma Nazzjonali tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant u l-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali Tripartitiku ser jgħinu fl-għażla tal-organizzazzjonijiet imsieħba.

5.4

Huwa rrakkomandat ukoll li tkompli tiġi żviluppata l-kooperazzjoni fuq bażi bilaterali bejn l-organizzazzjonijiet imsieħba fl-UE u l-Ukraina b'enfasi speċjali fuq il-bini tal-kapaċità, l-iskambju tal-prattiki tajbin kif ukoll it-tisħiħ tad-djalogu soċjali u ċivili. Il-kooperazzjoni transkonfinali tista' tintuża bħala wieħed mill-istrumenti għal dan il-għan.

5.5

Apparti l-attivitajiet istituzzjonali bbażati fuq il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u, fil-perjodu aktar fit-tul, id-DCFTA, il-KESE ser ikun involut fl-attivitajiet usa' ta' informazzjoni dwar il-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet għall-Ukraina, kif ukoll dwar l-integrazzjoni Ewropea, il-mod kif joperaw l-istituzzjonijiet Ewropej u dwar l-acquis communautaire.

5.6

Minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni affidabbli jew sempliċiment l-informazzjoni ħażina li xi kultant tixxandar fil-midja, b'riżultat tan-nuqqas ta' għarfien dwar l-UE jew propaganda intensa mir-Russi, jeħtieġ li tiġi ppjanata kooperazzjoni regolari mal-ġurnalisti u l-assoċjazzjonijiet tal-midja.

5.7

Il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet fl-Ukraina dwar il-kwistjoni tal-iffaċilitar tal-aċċess għal informazzjoni affidabbli u l-provvista ta' tali informazzjoni lill-gruppi tas-soċjetà ċivili jistgħu jkunu kruċjali għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina. Fil-fatt, mill-esperjenza jidher li l-iffirmar, ir-ratifikar u l-implimentazzjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni jistgħu jkunu problematiċi u jista' jkun hemm ħafna fatturi interni u esterni li jistgħu jbiddlu l-pożizzjoni favur l-Ewropa fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jekk ma jinkisibx kunsens ġenerali bl-involviment tal-gruppi soċjali kollha.

5.8

Sehem sinifikanti tal-popolazzjoni tal-Ukraina qatt ma ħarġet mill-pajjiż u dawk li joħorġu fil-biċċa l-kbira tagħhom imorru r-Russja. Waħda mir-raġunijiet għal dan hija r-rekwiżit kontinwu ta' viżi għas-soċjetà tal-Ukraina biex l-individwi jżuru l-pajjiżi tal-UE, apparti li din hija xi ħaġa konsiderevolment tedjanti. L-introduzzjoni ta' proċeduri armonizzati għall-applikazzjoni għal viża naturalment hija importanti iżda l-obbligu li wieħed jikseb viża qabel ma jsiefer lejn l-UE ma jrawwimx fiduċja u jagħmilha aktar diffiċli biex jissawwru kuntatti bejn in-nies.

5.9

L-ewroxettiċiżmu u n-nuqqas ta' entużjażmu ta' xi sezzjonijiet tas-soċjetà tal-Ukraina fir-rigward ta' rabtiet aktar mill-qrib mal-UE ġejjin min-nuqqas ta' prospetti ta' adeżjoni. Attwalment, din mhijiex kwistjoni li jitnedew negozjati ta' adeżjoni, iżda l-fatt li l-kwistjoni ma tidhirx b'mod persistenti u ripetutament fuq l-aġenda tal-UE jfisser li r-riformi bbażati fuq il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jiġu kkunsidrati minn parti mis-soċjetà bħala xewqa għalja li ser twassal biex l-Ukraina tieħu triq li ma twassal imkien. Dan huwa l-każ partikolarment fil-Lvant tal-Ukraina fejn il-pubbliku jqis l-UE bħala theddida għall-interessi soċjali u ekonomiċi.

Brussell, 16 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

502 Sessjoni Plenarja tal-KESE fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014

15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/54


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2013”

(COM(2014) 249 final)

(2015/C 012/08)

Relatur:

is-Sur Barros Vale

Nhar l-1 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni għall-2013

COM(2014) 249 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Settembru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'127 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Kif jagħmel kull sena, il-KESE qed jivvaluta r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni, li hija politika fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fehma tiegħu, il-kontenut tar-rapport huwa pożittiv u, b'mod ġenerali, japprovah u jesprimi t-tħassib tiegħu fid-dawl tal-kuntest attwali.

1.2

Kompetizzjoni ħielsa u ġusta li tħares l-interessi tal-aġenti ekonomiċi, il-konsumaturi u l-interess ġenerali jistħoqqilha li jsiru l-isforzi kollha possibbli dwarha. Il-kontribut tal-Kummissjoni huwa essenzjali u hu b'sodisfazzjoni li l-KESE jinnota l-isforzi li saru biex jiġi żgurat ir-rispett tar-regoli interni u dawk fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali.

1.3

Fil-qafas ta' din il-ħidma kontinwa, huwa kruċjali l-kontribut tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni; dawn għandu jkollhom ir-riżorsi umani u materjali meħtieġa biex ikunu jistgħu jaġixxu b'mod effettiv u proattiv pjuttost milli b'mod reattiv kif spiss jiġri. Enfasi akbar fuq il-ħidma ta' prevenzjoni tista' tevita sitwazzjonijiet illegali differenti li jagħmlu ħsara lis-suq, li jolqtu wkoll lill-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u lill-konsumaturi.

1.4

Il-KESE madankollu huwa tal-fehma li l-adozzjoni tal-Proposta għal Direttiva dwar l-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust hija tal-akbar interess, u li t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tagħha għandhom jissoktaw bil-perseveranza fl-Istati Membri, iżda jiddispjaċih li ma kenitx akkumpanjata minn strument legali bl-istess saħħa vinkolanti f'dak li jirrigwarda qafas legali orizzontali għar-rimedju kollettiv f'każ ta' ksur tad-drittijiet u l-interessi kollettivi.

1.5

Minbarra r-regolamentazzjoni, għandha tiġi prevista u titħeġġeġ l-awtoregolazzjoni, l-iżjed permezz tat-twaqqif ta' ftehimiet bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, in-negozjanti u l-konsumaturi; l-eżempji tajbin diġà eżistenti f'dan il-qasam fl-Ewropa jistgħu u għandhom jiġu segwiti.

1.6

Fid-dawl tal-fatt li t-Trattat ma jippermettix li l-politiki fiskali jkunu standardizzati, il-politika tal-kompetizzjoni għandha tillimita kemm jista' jkun possibbli d-distorsjonijiet marbutin mat-tassazzjoni fi ħdan l-Ewropa.

1.7

Is-suq tal-enerġija għandu jkomplu jirċievi attenzjoni speċjali, peress li s-suq uniku għad irid jiġi stabbilit f'dan il-qasam. It-tisħiħ tan-netwerk Ewropew, li jagħmel possibbli l-kummerċ transkonfinali, u l-investiment fl-enerġija rinnovabbli, li minbarra l-benefiċċji ovvji li jġib miegħu mil-lat ambjentali, jippermetti wkoll l-aċċess għan-netwerks ta' produtturi oħrajn, għandhom ikunu l-għanijiet li għandhom jintlaħqu bil-għan li titħeġġeġ kompetizzjoni ġenwina fis-settur li tiżgura tnaqqis fit-tariffi għall-intrapriżi u l-familji.

1.8

L-aċċess ħieles tal-konsumaturi għas-swieq kollha huwa essenzjali. L-għan tal-istrateġija diġitali kkontribwixxa ħafna billi ppermetta aċċess universali għall-broadband. L-aċċess għas-suq diġitali, fejn ta' spiss il-prezzijiet ikunu inferjuri għal dawk fis-swieq tradizzjonali, jagħmel ċerti beni disponibbli għall-konsumaturi li mingħajru ma kienx ikun possibbli.

1.9

Il-kooperazzjoni internazzjonali kienet fil-qalba ta' bosta sforzi, li r-riżultati tagħhom jistħoqqilhom kull tifħir. Madankollu, ma nistgħux ninsew ix-xogħol li għad jonqos isir. Minbarra l-ħidma bilaterali, ikun utli li jitkomplew il-ħidma konġunta tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO). L-Ewropa għadha qed tiffaċċja kompetizzjoni inġusta, kemm fi ħdan il-fruntieri tagħha kif ukoll lil hinn minnhom, min-naħa tal-intrapriżi, pubbliċi u privati, li joriġinaw minn pajjiżi fejn l-għoti ta' għajnuna illegali mill-Istat huwa prattika komuni (b'mod partikolari fil-qasam tal-enerġija), fejn ir-regolamentazzjoni ambjentali hija iżjed permissiva u fejn ma jiġux applikati l-istess regoli fil-qasam tal-liġi tax-xogħol (ta' spiss bi ħsara għar-regoli l-iżjed bażiċi tad-drittijiet tal-bniedem).

2.   Il-kontenut tar-rapport tal-2013

2.1

Fl-2013 kien hemm xi sinjali ta' rkupru ekonomiku fl-Ewropa. Iż-żieda fil-fiduċja u t-tkabbir tal-kompetittività għadhom fil-qalba tal-politiki Ewropew li għandhom l-għan li jippromovu tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-għan ċentrali tal-Istrateġija Ewropa 2020.

2.2

Ir-rapport isemmi konklużjoni tal-istudju li l-Parlament Ewopew silet fl-2013 dwar il-politika tal-kompetizzjoni, li turi tajjeb l-importanza ta' din il-politika biex jintlaħaq tali għan “(...) [i]l-politika tal-kompetizzjoni, li tintensifika l-kompetizzjoni, ser tistimula t-tkabbir”.

2.3

Ir-rapport huwa mqassam fi 8 partijiet: Il-promozzjoni tal-kompettività permezz tal-ġlieda kontra l-kartelli; L-iżgurar ta’ infurzar ta’ antitrust effettiv u l-kontroll tal-fużjonijiet fl-interess tan-negozji u l-konsumaturi; L-immodernizzar tal-għajnuna mill-Istat biex ir-riżorsi pubbliċi jiġu indirizzati lejn l-objettivi ta’ tisħiħ tal-kompetittività; It-trawwim ta’ settur finanzjarju ġust u stabbli biex tiġi appoġġjata l-ekonomija reali; L-enerġija: is-settur li fih hija meħtieġa “aktar l-Ewropa”; L-infurzar tal-kompetizzjoni fl-ekonomija diġitali sabiex tissaħħaħ l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa; Kooperazzjoni internazzjonali fil-politika ta’ kooperazzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-globalizzazzjoni; u Djalogu dwar il-kompetizzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Indubbjament, l-SMEs huma l-pilastru tal-irkupru ekonomiku fl-Ewropa. Minħabba d-daqs tagħhom, huma wkoll l-iżjed vulnerabbli għal prattiki li jinvolvu l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti li, f'bosta każijiet, ifisser li huma kkundannati li jisparixxu. Il-kwistjoni tal-abbuż ta' pożizzjoni dominanti għandha tingħata attenzjoni partikolari fil-politika tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari fil-każijiet fejn dan l-abbuż jitwettaq minn gruppi kbar tal-bejgħ bl-imnut li, bil-mod il-mod, spiċċaw biex qerdu l-fornituri u n-negozji ż-żgħar, liema aġir, fl-aħħar mill-aħħar, jolqot lill-interessi tal-konsumatur. Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon kbir id-direttiva dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE u huwa tal-fehma li hija importanti ħafna, iżda l-prevenzjoni ta' dan il-ksur hija ta' importanza akbar u jistħoqqilha analiżi iżjed fil-fond b'mod li l-azzjonijiet preventivi jkunu iżjed effettivi.

3.2

Il-KESE huwa tal-fehma li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jadottaw attitudni iżjed proattiva pjuttost milli reattiva bħalma jsir fil-biċċa l-kbira tal-każijiet fejn huma jintervjenu biss wara lmenti mressqa mill-operaturi jew il-konsumaturi. Is-superviżjoni ta' ċerti negozjati, li għandhom pjuttost jissejħu impożizzjonijiet, tista' tgħin biex jitwaqqfu ċerti abbużi ta' pożizzjoni dominanti. Jekk nixtiequ li jsir progress, huwa fundamentali li jkun hemm titjib sostanzjali fl-iskambju tal-informazzjoni fil-katina tal- produzzjoni.

3.3

Anke s-setturi li l-attività tagħhom hija influwenzata ħafna mill-prezzijiet tal-materja prima għandhom jingħataw attenzjoni partikolari min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, peress li jiġri ta' spiss li ż-żieda fil-prezz tal-materja prima (jew anke sempliċement it-theddida li l-prezz jogħla) mill-ewwel taffettwa l-prezz finali filwaqt li t-tnaqqis fil-prezz ma jkollux l-effett oppost.

3.4

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li l-politika tal-kompetizzjoni tindirizza l-problemi tas-settur tal-akkwist pubbliku li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, għadu pjuttost settur magħluq. Fil-fatt, dan għadu suq frammentat b'aċċess biss għal minoranza minkejja l-ħidma li għaddejja fuq l-akkwist elettroniku “minn tarf sa tarf” (straight-through e-procurement). Il-kompetizzjoni fqira tagħmel ħsara lill-interess pubbliku, u n-nuqqas ta' alternattivi ma jagħti l-ebda flessibbiltà lill-entitajiet pubbliċi. Għalhekk, l-għażla dejjem taqa' fuq l-istess operaturi, u dan iwassal għal relazzjonijiet stretti wisq bejn l-intrapriżi u s-setgħat pubbliċi.

3.5

Ma rridux ninsew lanqas li l-intrapriżi li joperaw fil-gżejjer u reġjuni ultraperiferiċi huma partikolarment vulnerabbli għall-kompetizzjoni, peress li l-ispejjeż tat-trasport biex ikollhom aċċess għal swieq oħra jxekklu l-kompetizzjoni tajba tagħhom ma' operaturi oħrajn. F'dawn il-każijiet, jistgħu jippruvaw jinstabu mekkaniżmi li jiffaċilitaw l-aċċess tal-intrapriżi għas-swieq ċentrali billi tiġi promossa kompetizzjoni tajba bejn kulħadd fi ħdan l-UE.

3.6

Hija ta' importanza fundamentali wkoll il-kompetizzjoni li jiffaċċjaw l-intrapriżi Ewropej – kemm fi ħdan il-fruntieri tagħhom kif ukoll fi swieq oħra – min-naħa ta' intrapriżi oħra, pubbliċi u privati, li joriġinaw minn pajjiżi terzi fejn ikunu protetti minn għajnuna illegali mill-Istat li tagħtihom vantaġġ kompetittiv; regolamentazzjoni ambjentali li tiffavorixxihom; u liġi tax-xogħol permissiva li ta' spiss tmur kontra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u d-drittijiet taċ-ċittadini u tal-konsumaturi. It-tkomplija tal-ħidma fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali, fil-qafas tad-WTO u l-ILO u lil hinn minnhom, għandha tibqa' prijorità tad-diplomazija fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza, billi tiġi indirizzata l-problema tal-kompetizzjoni u billi jsir iżjed fil-qasam tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem.

4.   Il-promozzjoni tal-kompetittività permezz tal-ġlieda kontra l-kartelli u l-prattiki tal-antitrust

4.1

Il-ġlieda kontra l-kartelli hija ta' importanza partikolari fil-politika tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, nilqgħu b'sodisfazzjon l-isforzi kollha li qed tagħmel dan l-aħħar il-Kummissjoni Ewropea biex tiġġieled din il-prattika li taffettwa l-ekonomija kollha. L-azzjonijiet tas-swieq finanzjarji, u b'mod partikolari s-suq tal-materja prima u dik intermedja, fejn il-varjazzjoni fil-prezzijiet tinfluwenza mhux biss is-suq intern iżda wkoll il-kapaċità tal-Ewropa għall-kompetizzjoni fil-livell dinji, huma essenzjali għat-tkabbir, f'perjodu fejn huwa indispensabbli li jinħakmu swieq ġodda. Għandha tiġi enfasizzata wkoll l-applikazzjoni tal-multi imposti fuq intrapriżi li pparteċipaw fi tliet kartelli fis-settur tal-kejbils, tal-prodotti finanzjarji derivati u tal-gambli, kif ukoll id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni lil għadd ta’ fornituri ta’ ċipep tal-ismart-cards.

4.2

Il-KESE appoġġja l-ħidma li twettqet fil-qasam tal-leġislazzjoni tal-antitrust, li fil-fehma tiegħu hija essenzjali għall-politika tal-kompetizzjoni. Issa jixtieq ikompli jappoġġja l-Kummissjoni li kkontribwixxiet biex tiskoraġġixxi l-frammentazzjoni artifiċjali tas-suq intern, u jilqa' b'sodisfazzjon tmiem il-proċedura fil-qasam tal-antitrust li tikkonċerna l-proċess tal-istandardizzazzjoni tal-ħlas li jsir fuq l-internet. Jilqa' b'sodisfazzjon ukoll l-oġġezzjonijiet li saru lill-banek li kkoordinaw l-imġiba tagħhom biex iwaqqfu lill-boroż milli jkollhom aċċess għas-suq tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (CDS – credit default swaps) u, l-iżjed importanti, jilqa' b'sodisfazzjon ukoll tmiem l-investigazzjoni tal-każijiet antitrust relatati mar-rati ta’ referenza ta’ Libor, Euribor u Tibor, li jżid is-sigurtà tas-suq.

4.3

Fl-2013, ġiet adottata Proposta għal Direttiva dwar l-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust. Il-KESE kien favur dan id-dokument, li jiġġieled id-disparitajiet bejn il-liġijiet nazzjonali u t-trattament differenti tal-vittmi u t-trasgressuri, u jipprevedi protezzjoni ġuridika lill-konsumaturi, kwistjoni li hija preokkupazzjoni kostanti fl-Opinjonijiet tal-Kumitat.

4.4

Għalkemm il-KESE jaqbel mal-istandardizzazzjoni, xorta waħda għandu xi riżervi minħabba li t-test jista' jidher favur wisq l-intrapriżi trasgressuri li jibbenefikaw minn programmi ta' klemenza, minkejja li jirrikonoxxi l-valur siewi ta' dan l-istrument biex jikxef kartelli sigrieti. Irrakkomanda wkoll li l-Proposta għal Direttiva u r-rakkomandazzjoni dwar ir-rimedju kollettiv ikunu allinjati iżjed mill-qrib u, f'dan ir-rigward, ilmenta dwar il-fatt li “tneħħiet it-tnedija ta' azzjoni kollettiva li kellha tkun il-mekkaniżmu effettiv għall-konsumaturi, u minflok inħolqot rakkomandazzjoni li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jkollhom mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv li mhuwiex vinkolanti.” (1)

4.5

Il-KESE jaqbel mat-tkomplija tal-ħidma ta' koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u n-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni. Jixtieq ukoll li l-iskambju tal-informazzjoni importanti bejn l-entitajiet differenti jaqdi rwol iżjed deċiżiv. Madankollu, jixtieq jesprimi t-tħassib tiegħu rigward id-diffikultà li jiffaċċjaw xi wħud minn dawn l-awtoritajiet biex jeżerċitaw setgħa regolatorja effettiva f'ċerti setturi, fejn għad hemm imġiba ta' kollużjoni u/jew abbuż f'kuntest ta' impunità totali.

4.6

Il-politika tal-kompetizzjoni għandha tipprevedi kooperazzjoni mad-direttorati ġenerali l-oħra b'mod li tiġġieled b'mod effettiv il-prattiki miftiehma u l-abbużi ta' pożizzjoni dominanti li ma jirrispettawx l-istandards soċjali, ambjentali u ta' sigurtà tal-prodotti u jwaqqfu operaturi ġodda milli jidħlu fis-suq, u b'hekk ikunu fi żvantaġġ ċar.

5.   L-immodernizzar tal-għajnuna mill-Istat

5.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proċess tal-immodernizzar tal-għajnuna mill-Istat, li jikkoordinaha mal-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020. Huwa essenzjali li l-għajnuna mill-Istat tintuża kif imiss: għajnuna mill-Istat li tappoġġja l-politika ta' koeżjoni u li tkun orjentata lejn is-setturi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-Ewropa. Jeħtieġ li r-riżorsi pubbliċi, li huma rari, jintużaw b'konformità mal-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020, biex ikunu possibbli l-konverġenza tar-reġjuni żvantaġġati, investiment fis-setturi prijoritarji, il-promozzjoni tal-ekonomija u l-impjieg u l-iffaċilitar tal-finanzjament tal-SMEs.

5.2

Madankollu, l-immodernizzar tal-għajnuna mill-Istat ma għandux iħalli barra l-għajnuna fil-qasam tas-servizzi pubbliċi, li jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjali (bħas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u r-riintegrazzjoni tal-persuni fid-dinja tax-xogħol, faċilitajiet ta' kura għat-tfal u l-persuni mdaħħlin fl-età u l-appoġġ lill-gruppi vulnerabbli bil-għan li jerġgħu jiġu integrati fis-soċjetà) li ma jistgħux jiġu injorati. Qabel dan, għandhom jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tas-setturi li jipprovdu servizz lill-abitanti: minkejja li huwa importanti li r-riżorsi – li kulma jmur qed ikunu dejjem iżjed skarsi – jiġu allokati b'mod effettiv, il-kwalità tas-servizz għandha tieħu preċedenza.

5.3

F'kuntest ta' mobbiltà sostanzjali, għandha tiġi studjata l-ipoteżi tal-libertà tal-għażla tal-fornituri tas-servizzi tas-saħħa, billi jiġu kkunsidrati possibbiltajiet li, mingħajr ma jixħtu dubju fuq il-kwalità tas-servizz u d-difiża tal-iżjed persuni żvantaġġati, jistgħu jevitaw li l-utenti jkunu soġġetti għal setgħa diskrezzjonali, kemm mill-Istati kif ukoll mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Din il-kwistjoni hija tant importanti li jistħoqqilha tiġi indirizzata f'Opinjoni fuq inizjattiva proprja biex tiġi analizzata fil-fond.

5.4

IL-KESE diġà esprima fehmtu favur l-immodernizzar tal-politika tal-UE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Huwa jappoġġja b'mod partikolari l-linji gwida l-ġodda dwar l-għajnuna fil-qasam tal-iskemi tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet tas-CO2, li jwaqqfu lill-industriji milli jirrilokaw fil-pajjiżi fejn il-leġislazzjoni hija inqas stretta. Madankollu, jiddispjaċih li r-rakkomandazzjoni li l-limitu de minimis tal-għajnuna jiżdied għal EUR 5 00  000 minflok EUR 2 00  000 sal-lum għadha ma ntlaqgħetx, kif ġara fil-każ tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) (2).

6.   Il-kompetizzjoni fil-livell settorjali

6.1   Kundizzjonijiet ġusti u stabbiltà fis-settur finanzjarju

6.1.1

Id-diffikultajiet li qed jiffaċċja s-settur finanzjarju u l-konsegwenzi tagħhom għall-finanzjament tal-ekonomija reali u l-fiduċja fis-swieq finanzjarji huma magħrufin sewwa. Saru għadd ta' sforzi biex tintradd lura l-fiduċja u tiżdied it-trasparenza, billi tnaqqsu r-riskji sistemiċi. L-għajnuna temporanja mill-Istat lis-settur finanzjarju ħelsuh milli jikkollassa, imma jidher li kull darba li jkun hemm sinjali ta' rkupru, jixirfu skandli ġodda li jheddu l-bilanċ fraġli ħafna li nkiseb s'issa. Għaldaqstant, huwa fl-interess ta' kulħadd li s-settur jibqa' kkontrollat mill-qrib b'mod li tiġi evitata mġiba irresponsabbli min-naħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji, kinux soġġetti jew le għal salvataġġ finanzjarju.

6.1.2

Minkejja l-fraġilità tas-settur, għandhom jissoktaw il-proċeduri investigattivi tal-prattiki illegali attwali, anke jekk ma jidhirx li qed ikollhom wisq effett fuq il-ġganti finanzjarji li jippersistu fl-imġiba tagħhom li tagħmel ħsara lis-suq.

6.1.3

Tajjeb nenfasizzaw il-Proposta għal Regolament dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament ibbażati fuq kard, li ilha mitluba żmien twil, u li ser tintroduċi mill-ġdid kundizzjonijiet ġusti fit-territorju Ewropew billi jiġu armonizzati l-ispejjeż imġarrba meta jsir ħlas bil-kards.

6.2   Is-settur tal-enerġija

6.2.1

Is-suq intern tal-enerġija baqagħlu biex jiġi kkompletat. Il-prezz tal-enerġija għadu għoli, u għadu qed jagħfas b'mod konsiderevoli fuq il-baġits tal-intrapriżi u tal-unitajiet domestiċi. Il-liberalizzazzjoni tas-suq ma rnexxilhiex issaħħaħ il-kompetizzjoni u t-trasparenza, u l-Ewropa għadha qed tkompli ssofri l-iżvantaġġi ta' prezz tal-enerġija għoli meta mqabbel ma' dak tal-kompetitturi tagħha fil-livell dinji. Il-provvista tal-enerġija transkonfinali jistħoqqilha wkoll attenzjoni speċjali jekk nixtiequ niżguraw suq intern liberu.

6.2.2

Jeħtieġ li nibbenefikaw mill-kunsens attwali dwar il-bżonn ta' politika komuni tal-enerġija, ta' investiment fl-infrastruttura, ta' żieda fl-effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli bil-għan li jiġi xprunat l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija. Fil-fatt, l-enerġija rinnovabbli ma tistax tikkompeti taħt l-istess kundizzjonijiet tal-enerġija fossili u dik nukleari li għadhom jiġu sussidjati direttament mill-baġits pubbliċi u indirettament mill-fatt li l-ispejjeż ambjentali u l-impatt tal-użu tagħhom fuq is-saħħa mhumiex internalizzati. L-enerġija rinnovabbli għadha fi stat ta' żvilupp relattivament embrijoniku u, għalhekk, jeħtieġ li tiġi appoġġjata iżjed biex tista' tkun kompetittiva fi ħdan suq ġust.

6.2.3

Barra minn hekk, ma għandhiex titqies biss bħala sors ġdid ta' enerġija. L-iżvilupp tagħha fil-fatt iwitti t-triq għal possibbiltajiet ġodda għat-twaqqif ta' mudell deċentralizzat ta' produzzjoni tal-enerġija li fi ħdanu ċ-ċittadini u l-konsumaturi jkunu jistgħu jkunu kemm produtturi kif ukoll konsumaturi. Ikun tajjeb li dan il-mudell ġdid jiġi appoġġjat bit-twaqqif ta' qafas regolatorju adatt li jiggarantixxi lill-produtturi ż-żgħar tal-elettriku aċċess faċli għan-netwerk (3).

6.2.4

Il-konnessjonijiet Ewropej fil-qasam tal-enerġija huma fundamentali mill-perspettiva tal-politika tal-kompetizzjoni. Il-fraġilità tal-Ewropa f'dak li jirrigwarda l-enerġija qed tinħass wara l-kunflitt reċenti fl-Ukraina, li jista' jipperikola l-forniment tal-gass lill-Ewropa Ċentrali. Il-kollegament tas-sistemi eżistenti tal-enerġija fil-Peniżola Iberika mal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali mhux biss iqarreb is-suq Iberiku lejn il-bqija tal-Ewropa, iżda jevita wkoll il-problemi minħabba interruzzjonijiet tal-provvista mir-Russja.

6.2.5

Ir-riforma tal-politika Ewropea tal-enerġija hija essenzjali, iżjed u iżjed issa li ninsabu fil-fażi tat-tħejjija tal-ftehimiet kummerċjali mal-Istati Uniti tal-Amerika, fejn l-ispejjeż tal-enerġija huma ferm inqas, li jpoġġi lill-intrapriżi Ewropej fi żvantaġġ sa mill-bidu nett.

6.3   L-ekonomija diġitali

6.3.1

Dan huwa settur partikolarment vulnerabbli għall-prattiki illegali tal-kompetizzjoni, peress li jista' jiġri li l-intrapriżi ta' teknoloġija avvanzata, li huma involuti fi proċess ta' innovazzjoni kontinwa u rapida, ma jkunux jistgħu jistennew iż-żmien li normalment jgħaddi sakemm jittieħdu d-deċiżjonijiet, u għalhekk jistgħu jisfaw fix-xejn.

6.3.2

Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għal-linji gwida fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat dwar in-netwerk tal-broadband, peress li jaqdu l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali.

6.3.3

Is-suq uniku tat-telekomunikazzjoni għadu ma ġiex ikkompletat. Minkejja li t-tariffi naqsu, xorta waħda għadhom għoljin, għad-detriment tal-intrapriżi u l-unitajiet domestiċi. It-tnaqqis gradwali tat-tariffi tar-roaming sakemm jitneħħew għalkollox lejn tmiem l-2015 huwa pass ta' min ifaħħru; issa, l-enfasi għandha tkun fuq it-tnaqqis reali tat-tariffi l-oħra u li l-broadband ta' kwalità għolja jsir disponibbli għal kulħadd. Il-KESE jtenni l-konvinzjoni tiegħu li t-twaqqif ta' regolatur uniku fl-Unjoni Ewropea jista' jikkontribwixxi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

6.3.4

Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lid-disponibbiltà universali tal-broadband peress li l-unitajiet domestiċi bi dħul baxx għad ma għandhomx aċċess. Din il-lakuna tbiegħed bosta ċittadini mis-suq diġitali, peress li ma jkunux jistgħu jaċċessaw swieq fejn ta' spiss jiġu applikati prezzijiet iżjed vantaġġużi.

6.3.5

Il-KESE jappoġġja l-ħidma dwar il-brevetti essenzjali standard (SEPs – standard essential patents), li qed jgħin fil-ġlieda kontra l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti.

7.   Kooperazzjoni internazzjonali

7.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu tan-negozjati mal-Istati Uniti dwar ftehim fil-qafas ta' Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment, kif ukoll mal-Ġappun għal ftehim ta' kummerċ ħieles. Jilqa' wkoll b'sodisfazzjon l-istabbiliment ta' djalogu f'livell għoli mar-rappreżentanti ta' wħud mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-pajjiżi terzi. Huwa importanti wkoll l-iffirmar tal-ftehim ta' kooperazzjoni mal-Isvizzera li jagħmel possibbli l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, li jista' jiffaċilita ċerti proċeduri attwali u futuri ta' investigazzjoni.

7.2

Il-kompetizzjoni inġusta min-naħa ta' pajjiżi terzi fejn l-iżjed regoli, prinċipji u drittijiet soċjali u ambjentali bażiċi ma jiġux rispettati tipperikola l-kummerċ barrani ġust. Jeħtieġ li l-kooperazzjoni internazzjonali tiġi żviluppata fl-ogħla livell u fil-qafas tad-WTO u l-ILO sabiex jiġu żgurati mhux biss id-drittijiet fundamentali tal-bniedem iżda wkoll prattiki ta' kompetizzjoni ġusta.

7.3

Il-globalizzazzjoni hija ħaġa ċerta u l-esportazzjonijiet huma essenzjali għat-tkabbir Ewropew. Huwa importanti li jiġu armonizzati l-prattiki sabiex l-UE tkun tista' tikkompeti taħt kundizzjonijiet indaqs fis-swieq fejn l-għajnuna mill-Istat għadha tingħata illegalment u fejn il-liġi tax-xogħol hija ineffettiva.

8.   Djalogu interistituzzjonali

8.1

Minkejja l-fatt li l-Kummissjoni għandha kompetenza sħiħa rigward il-politika tal-kompetizzjoni, id-DĠ Kompetizzjoni u l-Kummissarju inkarigat minn dan id-direttorat qed jissoktaw bid-djalogu mill-qrib tagħhom mal-Parlament Ewropew. Il-KESE u l-KtR ukoll ġew infurmati dwar il-ħidma tad-DĠ Kompetizzjoni permezz tal-attendenza ta' ċerti funzjonarji fil-laqgħat tas-sezzjonijiet u tal-gruppi ta' studju.

8.2

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon it-tkomplja tal-kooperazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni, iżda josserva li din tista' tittejjeb, billi jissaħħu r-rabtiet bejn l-istituzzjonijiet u permezz ta' ħidma ta' akkumpanjament fuq bażi iżjed permanenti, li fiha jkun involut fit-tħejjija tar-rapport finali grupp imwaqqaf mill-KESE, li jagħmilha possibbli li l-Kumitat jirreaġġixxi iżjed malajr għall-ħidma tal-Kummissjoni.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 67 6.3.2014, p. 83

(2)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 74

(3)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/60


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tixrid ta' dejta satellitari ta' osservazzjoni tad-Dinja għal għanijiet kummerċjali”

COM(2014) 344 final – 2014/0176 (COD)

(2015/C 012/09)

Relatur:

is-Sur McDonogh

Nhar is-17 ta' Lulju 2014 u nhar it-18 ta' Lulju 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tixrid ta' dejta satellitari ta' osservazzjoni tad-Dinja għal għanijiet kummerċjali

COM(2014) 344 – 2014/0176 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Settembru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'151 vot favur, vot 1 (wieħed) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Is-suġġett tad-Direttiva proposta huwa ta' importanza kruċjali għall-Unjoni Ewropea. Il-futur tal-affarijiet dinjija u l-benesseri taċ-ċittadini Ewropej se jiddependu sostanzjalment mill-kontroll u l-isfruttar tad-dejta dwar id-dinja li ngħixu fiha. Illum il-ġurnata din id-dejta qed tiġi ġġenerata u kkontrollata fil-biċċa l-kbira mill-Istati Uniti u minn pajjiżi oħra barra mill-UE. Huwa essenzjali li l-Ewropa tagħti spinta lill-programm spazjali tagħha u lill-produzzjoni u t-tixrid ta' dejta ta' osservazzjoni tad-dinja sabiex l-UE ma tibqax lura iżda tieħu pożizzjoni mexxejja f'din l-industrija ta' importanza enormi.

1.2

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ it-twaqqif ta' qafas regolatorju ċar li jiffaċilita l-iżvilupp tal-industrija spazjali fl-Ewropa u l-esplojtazzjoni tad-dejta ta' osservazzjoni tad-dinja għat-tkabbir sostenibbli u l-benesseri taċ-ċittadini Ewropej. Għalhekk, nilqgħu bi pjaċir il-Komunikazzjoni dwar id-direttiva proposta dwar it-tixrid ta' dejta satelittari ta' osservazzjoni tad-dinja għal skopijiet kummerċjali.

1.3

Il-Kumitat jilqa' b'sodifazzjon ukoll din il-proposta fil-kuntest usa' tal-Politika Ewropea dwar l-Ispazju, li hija importanti ħafna għall-prosperità u s-sigurtà futuri tal-UE u biex tintlaħaq il-viżjoni ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv imħaddna fl-istrateġija Ewropa 2020 (1).

1.4

Barra minn hekk, il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li d-Direttiva hija meħtieġa biex tistabbilixxi qafas legali trasparenti, ġust u konsistenti sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb u l-iżvilupp tas-suq intern għall-prodotti u s-servizzi tal-ispazju, speċjalment biex jinħoloq qafas komuni għad-distribuzzjoni ta' dejta satellitari b'riżoluzzjoni għolja (HRSD).

1.5

Il-Kumitat huwa sodisfatt bid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, li għandhom l-għan li joħolqu standard tal-Unjoni Ewropea għall-proliferazzjoni kummerċjali ta' HRSD.

1.6

Madankollu, il-KESE jemmen li l-iżvilupp ta' industrija spazjali kummerċjali fl-Ewropa seħħ bil-mod wisq u li aktar impjiegi u prosperità ibbażati fuq it-teknoloġija spazjali u d-dejta setgħu nħolqu aktar kmieni. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef l-iżvilupp ta' politiki u qafas legali dwar l-ispazju sabiex tippromovi s-sigurtà, is-sikurezza, is-sostenibbiltà u l-iżvilupp ekonomiku tas-settur spazjali u biex tiżgura funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-prodotti u s-servizzi spazjali.

1.7

Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li l-politika għandha tappoġġja aħjar l-SMEs fit-28 Stat Membru tal-Unjoni li qed jippruvaw jikkompetu u jikbru fis-suq tad-dejta ta' osservazzjoni tad-dinja. B'mod partikolari, il-Kumitat jixtieq jara politiki mmirati biex ineħħu l-ostakli mhux ġustifikati fis-suq intern relatati mal-iskala finanzjarja minima u li jolqtu ħażin lill-SMEs b'mod partikolari.

1.8

Il-KESE jixtieq jara proposti għal politika ta' akkwist spazjali Ewropea biex tappoġġa l-iżvilupp ta' settur spazjali kummerċjali, li hija dipendenti ħafna fuq l-akkwist istituzzjonali.

1.9

Il-Kumitat jixtieq jara wkoll politiki li jippromwovu l-edukazzjoni ta' aktar inġiniera, professjonisti tal-ICT u gradwati fil-kummerċ, speċjalment fis-swieq li qed jikbru b'rata mgħaġġla għal fornituri tad-dejta, rivendituri tad-dejta, fornituri tas-servizzi li jżidu l-valur u fornituri tas-servizzi ġeoinformattivi.

1.10

Il-Kumitat jirrikonoxxi li s-sigurtà hija ta' importanza kruċjali għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Madankollu, il-KESE jemmen li, minkejja d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta, politika tas-sigurtà komuni Ewropea aktar komprensiva tista', fost oħrajn, tgħin tindirizza l-kontroll strett iżżejjed tad-dejta satellitari b'riżoluzzjoni għolja (HRSD) minn għadd żgħir ta' Stati Membri.

1.11

Il-KESE jitlob lill-Kunsill jaħdem f'armonija għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta' politika spazjali Ewropea favur il-paċi, is-sigurtà u tkabbir ekonomiku ibbażati fuq approċċ miftuħ u kollaborattiv għall-iżvilupp u l-esplojtazzjoni tat-teknoloġija spazjali u d-dejta li tiġġenera.

1.12

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-Opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar il-politika spazjali (2).

2.   Direttiva proposta

2.1

Id-Direttiva proposta tindirizza t-tixrid ta' dejta satellitari ta' osservazzjoni tad-dinja fi ħdan l-Unjoni għal skopijiet kummerċjali. B'mod partikolari din titratta d-definizzjoni u l-kontroll ta' HRSD, bħala kategorija distinta ta' dejta li teħtieġ reġim regolatorju differenzjat meta tiġi mxerrda għal skopijiet kummerċjali.

2.2

L-HRSD tintuża fil-forniment ta' prodotti u servizzi ġeospazjali, li għaliha hemm suq li qed jikber. L-HRSD saret indispensabbli għall-monitoraġġ tal-ambjent, l-ippjanar urban, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, kif ukoll il-ġestjoni ta' diżastri u emerġenza.

2.3

Iżda l-HRSD hija importanti wkoll għas-sigurtà u d-difiża tal-Istati Membri u għalhekk il-produzzjoni u t-tixrid tal-HRSD mill-operaturi kummerċjali huma soġġetti għar-regolazzjoni mill-Istati fejn l-operaturi jkunu rreġistrati. Għalhekk, illum ma hemm l-ebda approċċ komuni fil-livell regolatorju nazzjonali għat-trattament tal-HRSD u għas-servizzi u l-prodotti li joħorġu minn din id-dejta. Dan iwassal għal qafas regolatorju fframmentat madwar l-Ewropa, ikkaratterizzat minn nuqqas ta' koerenza, trasparenza u prevedibbiltà, li għalhekk iżomm is-suq milli jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu.

2.4

Id-Direttiva proposta għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern għal prodotti u servizzi ta' HRSD billi toħloq qafas legali koerenti għat-tixrid ta' HRSD u livell ta' informazzjoni tajjeb u suffiċjenti dwar l-aċċessibbiltà ta' HRSD għal skopijiet kummerċjali, kif ukoll li tiffaċilita l-kompetizzjoni fil-livell ta' fornitur tad-dejta billi toħloq qafas legali trasparenti, prevedibbli u ġust madwar l-Istati Membri u billi tiżgura ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dejta madwar l-UE.

2.5

L-implimentazzjoni tad-Direttiva proposta hija maħsuba biex tħalli impatti ekonomiċi pożittivi minħabba livelli ogħla ta' trasparenza, ċertezza legali u prevedibilità kummerċjali dwar it-tixrid tad-dejta spazjali. Huma previsti effetti pożittivi għat-twaqqif u t-tkabbir tan-negozji, għall-bejgħ tad-dejta ta' osservazzjoni tad-dinja, u għall-kompetittività internazzjonali. Minbarra ż-żieda diretta tal-impjiegi fin-negozji ta' rivenditur/servizzi ta' valur miżjud, x'aktarx li jkun hemm żieda addizzjonali fl-impjiegi f'livelli oħra tal-katina (jiġifieri negozji tal-utenti ta' HRSD, manifatturi tas-satelliti u operaturi), bħala riżultat ta' servizzi ta' kwalità ogħla u prezzijiet aktar kompetittivi. Huwa mistenni wkoll aktar tkabbir indirett fl-impjiegi, minħabba li l-ħolqien ta' impjieg wieħed fl-industrija spazjali jwassal għal sa ħames impjiegi ġodda f'setturi oħra.

2.6

Il-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva proposta huma:

a)

definizzjoni ċara ta' HRSD ibbażata fuq il-parametri tekniċi essenzjali għall-produzzjoni ta' dejta bħal din;

b)

speċifikazzjoni tal-proċedura li għandha tiġi segwita mill-Istati Membri meta jiskrinjaw u japprovaw ir-rilaxx ta' HRSD għal skopijiet kummerċjali;

c)

ir-reġim ta' rapportar li għandu jiġi segwit mill-Istati Membri sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq sorveljanza suffiċjenti dwar il-funzjonament tad-Direttiva.

2.7

L-Istati Membri se jkollhom jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali sal-31 ta' Diċembru 2017.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

L-iżvilupp ta' teknoloġija spazjali, prodotti u servizzi hi ta' importanza kritika għall-futur tal-Ewropa. Kif stqarr fil-passat il-Kumitat: “L-importanza tal-ispazju fit-tisħiħ tal-għarfien, il-prosperità, is-saħħa ekonomika u l-innovattività qatt ma tista' tiġi enfasizzata biżżejjed” (3). Il-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jġib miegħu suq b'saħħtu għal applikazzjonijiet spazjali Ewropej ikunu sostanzjali.

3.2

L-Ewropa hija unikament kapaċi tiżviluppa u tippromwovi politika spazjali favur il-paċi, is-sigurtà u t-tkabbir ekonomiku ibbażati fuq approċċ miftuħ u kollaborattiv għall-iżvilupp u l-esplojtazzjoni tat-teknoloġija spazjali u d-dejta li tiġġenera.

3.3

Filwaqt li jirrikonoxxi li s-sigurtà hija ta' importanza kruċjali għall-Unjoni, il-KESE jemmen li, minkejja d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta, politika tas-sigurtà komuni Ewropea aktar komprensiva tista', fost oħrajn, tgħin tindirizza l-kontroll strett iżżejjed tad-dejta satellitari b'riżoluzzjoni għolja (HRSD) minn għadd żgħir ta' Stati Membri.

3.4

L-Ewropa għandha bżonn industrija spazjali kummerċjali b'saħħitha fis-setturi kollha tal-katina ta' valur (4) biex tkun tista' żżomm l-aċċess indipendenti tagħha għat-teknoloġija tal-ispazju u għad-dejta satellitari ta' osservazzjoni tad-dinja, u sabiex tiżviluppa industrija spazjali indipendenti u b'saħħitha.

3.5

L-UE ħadet wisq żmien biex żviluppat il-politiki u l-oqfsa legali li jiżguraw it-tħaddim tajjeb tas-suq intern għall-prodotti u s-servizzi spazjali u biex titrawwem industrija b'saħħitha fil-ħolqien u l-isfruttar tad-dejta spazjali. Fl-Ewropa, l-iżvilupp bil-mod tan-negozju rigward l-applikazzjonijiet downstream marbuta mal-ispazju jfisser li, f'diversi setturi spazjali, l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-ġid u l-pożizzjoni fis-suq globali qed jintilfu għall-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina u oħrajn.

3.6

L-Ewropa teħtieġ strateġija kummerċjali proattiva biex tiżviluppa t-teknoloġija spazjali, il-prodotti u s-servizzi tagħha f'suq globali li qed jikber b'rata mgħaġġla. Din l-istrateġija jeħtieġ li tkun miftiehma u kkoordinata fil-livell Ewropew sabiex jiġi żgurat li jitneħħew l-ostakli interni għall-iżvilupp.

3.7

L-istrateġija kummerċjali għandha tinkludi qafas regolatorju koerenti u stabbli, bażi industrijali b'saħħitha b'bażi sostanzjali ta' intrapriżi ta' SMEs, kompetittività u kosteffiċjenza, swieq għall-applikazzjonijiet u s-servizzi, u aċċess indipendenti għat-teknoloġija spazjali, it-teknoloġija spazjali, prodotti u servizzi. Dawn ir-rekwiżiti huma approvati espliċitament fil-Politika Industrijali Spazjali tal-UE (5).

3.8

Sabiex jiġi żgurat li fl-Ewropa jkun hemm industrija spazjali kummerċjali b'saħħitha, l-UE jeħtiġilha trawwem massa kritika ta' intrapriżi Ewropej, minn SMEs għal organizzazzjonijiet globali kbar, li jkunu attivi fl-iżvilupp u l-isfruttar ta' prodotti u servizzi bbażati fuq dejta satellitari.

3.9

Għall-industrija spazjali jinħtieġu wkoll politiki li jippromwovu l-edukazzjoni ta' aktar inġiniera, professjonisti tal-ICT u gradwati fil-kummerċ, speċjalment fis-swieq li qed jikbru b'rata mgħaġġla għal fornituri tad-dejta, rivendituri tad-dejta, fornituri tas-servizzi li jżidu l-valur u fornituri tas-servizzi ġeoinformattivi.

3.10

L-iżvilupp tas-settur spazjali kummerċjali huwa dipendenti ħafna mill-akkwist istituzzjonali. L-industrija tibbenefika minn leġislazzjoni li tistabbilixxi politika ta' akkwist spazjali, issorveljata fil-livell tal-UE.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Kumitat jirrikonoxxi li s-sigurtà hija ta' importanza kruċjali għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Madankollu, il-kontroll strett iżżejjed tad-dejta satellitari b'riżoluzzjoni għolja (HRSD) minn għadd żgħir ta' Stati Membri qed irażżan ferm l-iżvilupp tas-suq kummerċjali Ewropew tad-dejta ta' osservazzjoni tad-dinja, u jippermetti lil kompetituri li mhumiex fl-UE biex jieħdu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni.

4.2

Hemm nuqqas ta' informazzjoni tajba dwar id-daqs u l-attività tal-industrija fl-Ewropa li hija involuta fl-iżvilupp ta' applikazzjonijiet u servizzi ta' dejta satellitari. Għandu jsir studju dwar il-partijiet differenti tal-katina ta' valur involuti fl-iżvilupp ta' applikazzjonijiet spazjali downstream. Dejta tajba dwar il-potenzjal għat-tkabbir fl-impjiegi u l-ħolqien tal-ġid fis-setturi varji tkun ta' stimolu għas-suq u tipprovdi aktar appoġġ politiku.

4.3

Is-suq tal-UE għal dejta satellitari b'riżoluzzjoni għolja (HRSD) huwa sottożviluppat meta mqabbel ma' dak tal-Istati Uniti, fejn hemm suq uniku. Il-pożizzjoni b'saħħitha tal-industriji ta' osservazzjoni tad-dinja tal-Istati Uniti hija bbażata fuq sistemi satellitari teknikament avvanzati, qafas regolatorju ċar, u domanda pubblika kbira għal HRSD u servizzi kummerċjali. Barra minn hekk, il-kompetituri tal-Istati Uniti jibbenefikaw mis-sinerġiji effettivi ħafna bejn is-setturi taċ-ċivili u militari/tad-difiża tas-settur f'termini ta' riċerka u żvilupp. Minbarra l-kompetizzjoni ħarxa mill-Istati Uniti, hemm kompetituri serji fl-Indja, iċ-Ċina, il-Kanada, il-Korea u t-Tajwan li jġibu HRSD fis-suq Ewropew permezz ta' rivendituri tad-dejta.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, COM(2010) 2020.

(2)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 88ĠU C 327, 12.11.2013, p. 38ĠU C 341, 21.11.2013, p. 29; ĠU C 299, 4.10.2012, p. 72ĠU C 43, 15.2.2012, p. 20; ĠU C 44, 11.2.2011, p. 44ĠU C 339, 14.12.2010, p. 14ĠU C 162, 25.6.2008, p. 24.

(3)  CCMI/115 – CES2861-2013, pt. 3.1.

(4)  Il-katina tal-valur tinkludi l-operaturi tas-satelliti, il-fornituri tad-dejta, rivendituri tad-dejta (bejgħ ta' HRSD minn operaturi satellitari tal-UE u mhux tal-UE u mill-fornituri tad-dejta), fornituri ta' servizzi ta' valur miżjud, fornituri tas-servizzi ġeoinformattivi, l-istituzzjonijiet ta' riċerka, il-gvernijiet u l-klijenti.

(5)  COM(2013) 108 final.


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali”

COM(2014) 284 final

(2015/C 012/10)

Relatur:

is-Sur Baráth

Nhar l-20 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali

(COM(2014) 284 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta' Settembru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'148 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Opinjoni u rakkomandazzjonijiet

1.1

Ir-Rapport li tfassal abbażi tal-pożizzjoni tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali dwar it-tisħiħ tal-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali ġie f'waqtu, u jservi ta' gwida importanti għat-titjib tal-proċess ta' tħejjija ta' dawn l-istrateġiji u l-governanza tal-implimentazzjoni tagħhom.

1.2

Il-KESE iqis li l-politika makroreġjonali għandha ssir politika tal-UE żviluppata sew.

1.3

Minħabba n-natura tal-objettivi, huwa diżappuntanti li fir-rapport, il-kunċett ta' “governanza” fir-rigward tal-istrateġiji makroreġjonali huwa limitat għal kooperazzjoni politika, istituzzjonali u amministrattiva/organizzattiva.

1.4

L-“imsieħba” ingħataw rwol sekondarju ħafna fir-rapport tal-Kummissjoni. Il-partijiet interessati ekonomiċi u soċjali lanqas huma msemmija, filwaqt li l-atturi tas-soċjetà ċivili ġew inklużi biss bħala r-riċevituri ta' informazzjoni.

1.5

Il-KESE jemmen li għandu jiġi żviluppat mudell ta' governanza, bl-involviment tal-imsieħba ekonomiċi u soċjali.

1.6

Wieħed għandu jinnota li minkejja l-kooperazzjoni fil-livell Ewropew mal-KESE, li ntalab ifassal opinjoni, fil-livelli makroreġjonali jew reġjonali intermedji ma hemm l-ebda kwistjoni ta' sħubija, la fir-rigward ta' tħejjija ta' strateġiji u lanqas ta' teħid ta' deċiżjoni.

1.7

Din hija problema partikolarment serja meta niġu għall-implimentazzjoni, fejn il-benefiċjarji ewlenin ta' din għandhom ikunu partijiet interessati ekonomiċi u tas-soċjetà ċivili. Sa ċertu punt, implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tiddependi fuq involviment minn qabel tal-imsieħba, li għandhom ikunu infurmati sew u jesprimu l-qbil tagħhom, fejn l-esperjenza tagħhom tintuża bħala kontribut fil-proċess ta' tħejjija tal-istrateġija. Huwa leġittimu li jkun mistenni “valur miżjud Ewropew”, u minn din il-perspettiva, il-mudell il-ġdid propost jidher promettenti.

1.8

Il-KESE jinnota li l-esperimenti makroreġjonali taħt l-istrateġiji tal-Atlantiku u tal-Mediterran juru biċ-ċar il-potenzjal offrut mill-kooperazzjoni mal-imsieħba.

1.9

Il-KESE jemmen li l-“Grupp ta' Livell Għoli”, kompost minn rappreżentanti tat-28 Stat Membru tal-UE, huwa opportunità eċċellenti biex jikkumpensa għall-governanza tal-UE li hija kkonċentrata u amministrattiva żżejjed billi jikkomplementaha b'korp għat-tfassil ta' politika b'konformità mal-kunċett tas-sussidjarjetà, li ta' spiss jintesa, u mal-applikazzjoni konsistenti tal-prinċipju ta' sħubija.

1.10

Tagħmel differenza kbira jekk il-politika ta' żvilupp fil-livell makroreġjonali ssir parti integrali tal-politiki pan-Ewropej. Sabiex iseħħ dan, jeħtieġ li jkun hemm valutazzjoni ta' livell Ewropew tar-rabtiet makroreġjonali “eżistenti” li jaħdmu sew minn perspettivi territorjali u settorjali.

1.11

Il-KESE jirrakkomanda li neżaminaw l-isfidi u l-opportunitajiet makroreġjonali, li permezz tal-promozzjoni u l-użu tagħhom jistgħu jgħinu sabiex jiġu promossi inizjattivi ta' żvilupp fuq il-linja ta' “Nikkollegaw l-Ewropa” u b'hekk insaħħu l-integrazzjoni Ewropea.

1.12

Il-KESE jaqbel li huwa importanti li nikkonċentraw ir-riżorsi u niżguraw l-effettività u l-effiċjenza. Madankollu, huwa juri li l-analiżi ma tindirizzax kwistjonijiet li jirrelataw ma' kif tista' titkejjel l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-pjani ta' azzjoni, u lanqas ma tiddiskuti l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi li huma essenzjali fil-kalkolu tar-redditu fuq l-investiment u b'hekk jintwera l-valur miżjud. Wieħed mill-kompiti tal-“punti tekniċi” jista' jkun li titwaqqaf sistema ta' monitoraġġ uniformi u jitħejjew valutazzjonijiet ex-anteex-post.

1.13

Il-KESE jħoss li l-korpi bi sħubiji b'membri li jkunu ġejjin minn livelli varji, flimkien ma' forums speċifiċi, jistgħu jgħinu konsiderevolment sabiex tissaħħaħ l-identità Ewropea tas-soċjetà ċivili u tal-atturi ekonomiċi, soċjali u politiċi. Dan jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti sabiex ikompli jiġi żviluppat mudell Ewropew, li jkun parzjalment u deliberatament ibbażat fuq approċċ minn isfel għal fuq.

1.14

Tinħtieġ definizzjoni aktar preċiża f'termini legali u istituzzjonali ta' “governanza” fir-rigward tat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali.

1.15

Skont il-KESE, ir-regola tar-“rifjut triplu” m'għadhiex tapplika: hemm finanzjament mill-qafas finanzjarju fuq perjodu medju 2014-2020, qed tiġi implimentata sistema amministrattiva u istituzzjonali sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni u l-qafas strateġiku komuni fih ir-regolamentazzjoni neċessarja.

1.16

Jeħtieġ li jkun hemm lok għal alternattivi organizzattivi varji. Fl-istess ħin, sabiex tinkiseb koordinazzjoni aħjar u tiġi żgurata massa kritika għal inizjattivi speċifiċi, jinħtieġu riżorsi addizzjonali li jaġixxu bħala katalisti u jippermettu sinerġiji bejn l-intenzjonijiet u r-riżorsi tal-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni targumenta li ż-żewġ strateġiji makroreġjonali adottati s'issa, l-istrateġiji tal-Baltiku u tad-Danubju, li diġà qed jagħtu riżultat, qed jissodisfaw l-aspettattivi ta' valur miżjud “fil-prattika”. Ittieħdu deċiżjonijiet konġunti sinifikanti, u riżorsi li ma kinux jintużaw qabel qed jiġu implimentati, pereżempju fl-oqsma tal-ħarsien ambjentali, it-tbaħħir, il-protezzjoni mill-għargħar, u ż-żamma tal-kwalità tal-ilma.

2.2

Iż-żewġ inizjattivi ta' kooperazzjoni makroreġjonali li tnedew dan l-aħħar jistgħu jibbażaw fuq esperjenzi preċedenti. Ġew identifikati żbilanċi sinifikanti fir-reġjuni tal-Adrijatiku-Jonju u tal-Alpi f'termini ta' strutturi urbani, kif ukoll ta' żvilupp ekonomiku u soċjali. L-analiżi tiddiskuti wkoll kif jistgħu jintużaw esperjenzi mir-reġjuni kostali tal-Atlantiku.

2.3

Il-KESE jħoss li governanza tajba adattata għal kompiti speċifiċi hija kruċjali fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-istrateġija makroreġjonali.

2.4

L-analiżi tal-Kummissjoni tenfasizza tliet oqsma relatati mal-governanza li huma kruċjali sabiex jinkiseb suċċess:

tmexxija politika (direzzjoni strateġika u struttura ta' governanza), sjieda, l-importanza li jkun hemm identifikazzjoni mal-istrateġiji, komunikazzjoni u responsabbiltà,

koordinazzjoni bħala mezz ta' implimentazzjoni tal-istrateġiji,

ġestjoni tal-proċess ta' implimentazzjoni, pjani ta' azzjoni li jidentifikaw il-prestazzjoni ta' kuljum tal-kompiti, kooperazzjoni, appoġġ għall-kooperazzjoni.

2.5

Skont l-analiżi tal-Kummissjoni, il-“governanza” hija attività li tiddetermina b'mod ġenerali kif jinkisbu r-riżultati. Madankollu, f'dan il-kuntest, hemm differenza kbira bejn it-tmexxija politika u l-korpi li jimplimentaw strateġija, li jfisser li l-kunċett ta' sjieda huwa marbut ma' tipi differenti ta' operaturi.

2.6

Il-KESE jemmen li t-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali jeħtieġu sistema speċifika ta' governanza bbażata fuq il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni. Fi ħdan din is-sistema, is-sjieda ta' programmi individwali, proġetti u miżuri tista', u għandha, tkun marbuta ma' attivitajiet individwali speċifiċi u ma' dawk li jwettquhom. Sistema bħal din hija prerekwiżit għall-effettività u l-effiċjenza ta' attivitajiet individwali u l-bażi għall-kapaċità ta' kejl tagħhom.

2.6.1

L-analiżi tikkonferma li l-istrateġiji makroreġjonali jipprovdu qafas speċifiku għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, ir-reġjuni tagħhom u ċerti pajjiżi terzi fi ħdan żona ġeografika speċifika. Il-pjani ta' azzjoni huma għodod għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji, li jippermettu l-parteċipazzjoni fil-livelli ekonomiċi u soċjali.

2.7

L-ogħla livell tal-governanza huwa l-Grupp ta' Livell Għoli, li jġib flimkien il-ħidma tal-Koordinaturi taż-Żoni ta' Prijorità, il-Mexxejja tal-Azzjoni Orizzontali, u l-Gruppi ta' Tmexxija. Din l-istruttura istituzzjonali (netwerk) hija komplementata mill-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali, li jsaħħu l-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali.

3.   X'għad hemm bżonn għal implimentazzjoni aktar effettiva tal-istrateġiji makroreġjonali?

3.1

Il-KESE jħoss li l-analiżi tal-Kummissjoni hija sinteżi preċiża tal-oqsma ewlenin fejn tinħtieġ governanza aktar b'saħħitha. Implimentazzjoni effettiva tal-istrateġiji makroreġjonali teħtieġ dan li ġej:

governanza politika aktar soda,

apparti d-definizzjoni u l-adozzjoni ta' għanijiet trasversali, fil-livell nazzjonali dawn għandhom jiġu tradotti aktar mill-qrib f'attività domestika mill-gvernijiet.

3.1.1

Il-KESE jemmen li għandhom isiru sforzi sabiex tinkiseb implimentazzjoni aktar intensiva tas-sħubija fil-livell Ewropew u bejn l-istituzzjonijiet Ewropej.

3.1.2

L-organizzazzjonijiet li joperaw fil-livell transnazzjonali f'reġjun speċifiku għandhom ikunu involuti fl-iżvilupp ta' governanza, u għandhom jingħataw sehem fil-proċess.

3.2

Ikun ta' għajnuna li jiġu pprovduti riżorsi differenti u aktar aċċessibbli, filwaqt li jiġu żviluppati strumenti skont is-settur speċifiku, inklużi dawk immirati fis-settur privat.

3.3

Prevedibbiltà, ambjent sigur għal partijiet interessati ewlenin, bini tal-kapaċità kontinwu, forniment aktar effettiv tal-informazzjoni għas-soċjetà ċivili filwaqt li din tiġi involuta fl-implimentazzjoni tal-pjani ta' azzjoni, użu aktar intensiv tal-governanza elettronika u tal-għodod tal-ICT, u b'mod ġenerali identità sottonazzjonali u reġjonali u adattament aħjar għall-istrateġiji: dawn huma prerekwiżiti għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali.

4.   Rakkomandazzjonijiet għal aktar żvilupp tal-aspetti ewlenin ta' governanza

4.1

Kooperazzjoni bejn il-mexxejja politiċi u strateġiċi u sidien – imsieħba li jikkooperaw

4.1.1

Filwaqt li tagħmel suġġerimenti għal titjib, l-analiżi tal-Kummissjoni tikkonferma l-istruttura tal-governanza eżistenti. Hija targumenta li laqgħat regolari aktar spissi fil-livelli differenti, mill-fażi ta' tħejjija tal-istrateġija għall-pjani ta' azzjoni sal-implimentazzjoni, ser jagħtu lill-partijiet interessati ewlenin ħarsa ġenerali aħjar kif ukoll jippermettu lil-livell politiku jmur lil hinn mid-dikjarazzjonijiet u jifhem aħjar il-proċess u jivvaluta aħjar il-valur tal-ħidma mwettqa.

4.1.2

Waħda mir-rakkomandazzjonijiet prattiċi ewlenin hija li l-Kummissjoni Ewropea żżid ir-rwol tal-istrateġiji makroreġjonali fost il-politiki tal-UE mingħajr ma tmur lil hinn mill-ambitu tagħha li tipprovdi appoġġ u gwida.

4.1.3

Kontribut kbir jista' jkun li jinżammu laqgħat tematiċi sabiex jiġu diskussi l-isfidi li jirriżultaw waqt it-tħejjija tal-istrateġija u l-implimentazzjoni. Dawn il-problemi għandhom impatt fil-livell Ewropew, jaffettwaw il-politiki Ewropej u jiġu affettwati minnhom, u jeħtieġu koordinazzjoni ta' livell għoli.

4.1.4

Il-KESE jħoss ukoll li għandu jikber ir-rwol tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali, peress li dawn huma l-konnessjoni bejn id-dimensjoni politika u l-proċess ta' implimentazzjoni. B'mod partikolari, huwa jixtieq li jinħatar rappreżentant speċjali sabiex jimmoniterja l-implimentazzjoni ta' strateġiji individwali, jivvalutahom u jirrapporta lura waqt il-laqgħat ta' konsultazzjoni eżekuttiva jew ministerjali.

4.1.5

Ir-rapport tal-Kummissjoni jenfasizza l-importanza li jkun żgurat li atturi ewlenin, imsieħba fil-kooperazzjoni u partijiet interessati f'pajjiżi u reġjuni individwali jimpenjaw ruħhom għall-proċess, jiżviluppaw approċċi b'mod konġunt, jiddefinixxu għanijiet ekonomiċi u jistabbilixxu skeda għall-implimentazzjoni, iħejju diskussjonijiet regolari, joħolqu sensibilizzazzjoni u b'mod ġenerali jiżguraw involviment effettiv.

4.1.6

Għall-KESE, il-partijiet interessati ewlenin huma dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-impjegati u r-rappreżentanti tal-komunità xjentifika u tar-riċerka, u b'mod ġenerali l-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

4.1.6.1

L-appoġġ għall-parteċipazzjoni ta' dawn il-partijiet interessati huwa prijorità, minkejja li ħafna mill-aqwa prattiki diġà jeżistu f'termini ta' involviment tal-atturi politiċi u s-soċjetà ċivili.

4.1.7

Fir-rigward tal-futur, l-analiżi (1) tal-Kummissjoni tagħti importanza kbira lit-titjib tal-attività ta' forums ta' suċċess, bl-involviment aktar mill-qrib tal-parlamenti u l-kumitati parlamentari. Tenfasizza wkoll il-ħtieġa li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jagħtu l-kontribut tagħhom fil-makroreġjuni tagħhom, joħolqu sensibilizzazzjoni tal-fehmiet tagħhom u jinvolvu ruħhom biex jiddefinixxu b'mod aktar effettiv l-għanijiet tematiċi u l-kompiti.

4.1.8

Kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn it-teorija (l-akkademja) u l-prattika (in-negozju, l-SMEs), flimkien ma' rabtiet aktar b'saħħithom bejn studenti minn universitajiet differenti, jistgħu jgħinu konsiderevolment fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji.

4.1.9

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, huwa importanti ħafna li d-delegazzjonijiet u r-rappreżentanzi tal-Kummissjoni jkunu involuti fil-proċessi, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tas-sistemi tal-IT.

4.2   Koordinazzjoni

4.2.1

Fil-preżent, “Grupp ta' Livell Għoli” magħmul minn rappreżentanti mit-28 Stat Membru tal-UE huwa fil-proċess li jitwaqqaf, bi pjani għall-ewwel laqgħat annwali tiegħu. Dan huwa meħtieġ sabiex tissaħħaħ il-koordinazzjoni fil-livell Ewropew bil-ħsieb li jkun hemm sinkronizzazzjoni aktar mill-qrib tal-proċessi ta' kuljum u l-livelli politiċi. Wieħed mill-kompiti tal-grupp huwa li jikkoopera ma' partijiet interessati ewlenin oħra. Fil-fehma tal-KESE, il-ħidma tal-Grupp turi l-ħtieġa li titħejja strateġija makroreġjonali pan-Ewropea.

4.2.2

Bl-istess mod għall-kompiti tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali, il-Grupp ta' Livell Għoli huwa responsabbli biex jiżgura li l-fondi użati sabiex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-istrateġiji Ewropej huma allinjati mal-istrateġiji makroreġjonali. L-istrutturi istituzzjonali huma komplementati minn “pjattaformi ta' koordinazzjoni nazzjonali”, li jippermettu li jseħħ djalogu konsultattiv bejn l-organizzazzjonijiet ministerjali, reġjonali, lokali, tas-soċjetà ċivili u xjentifiċi varji u l-partijiet interessati.

4.2.3

L-analiżi tal-Kummissjoni tenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom il-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali f'termini ta' koordinazzjoni. Apparti l-kompiti bażiċi, bħalma huma l-proċessi ta' aġġustament u koordinazzjoni, it-twettiq tal-monitoraġġ, l-iżgurar u l-monitoraġġ tal-fluss tal-informazzjoni bejn il-korpi differenti ta' teħid ta' deċiżjoni u l-infurmar tal-partijiet interessati politiċi, il-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali huma responsabbli wkoll biex jirrappurtaw fuq bażi annwali lil istituzzjonijiet bħalma huma l-parlamenti konċernati mill-istrateġiji makroreġjonali, kif ukoll li jkunu involuti fl-identifikazzjoni, u fejn possibbli, fil-koordinazzjoni tar-riżorsi nazzjonali u reġjonali.

4.3   Implimentazzjoni

4.3.1

Il-KESE jaqbel mar-rakkomandazzjoni li jinħtieġ appoġġ politiku u amministrattiv sinifikanti għall-partijiet interessati fl-implimentazzjoni, flimkien ma' riżorsi finanzjarji u umani miżjuda.

4.3.2

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali, jinħtieġu persuni indipendenti, rikonoxxuti nazzjonalment, li jkunu integrati sew fil-kuntest lokali u jkollhom l-għarfien speċjalizzat meħtieġ sabiex jiżguraw koordinazzjoni, fejn meħtieġ mill-gruppi ta' tmexxija rilevanti għal livell speċifiku.

4.3.3

Il-KESE jaqbel li l-possibbiltà li joffru r-regoli l-ġodda għall-użu tal-fondi Ewropej sabiex jappoġġjaw direttament l-istrateġiji makroreġjonali tirrappreżenta bidla kbira.

4.3.4

Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni tinnota li l-ministri individwali jerfgħu r-responsabbiltà prinċipali biex jiżguraw ċarezza fost dawk involuti fl-implimentazzjoni billi jipprovduhom bir-riżorsi meħtieġa. Sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti biex dan iseħħ, mhux se jkun possibbli li wieħed jistenna valur miżjud.

4.3.5

Il-koordinaturi jaġixxu bħala rabta bejn il-livell politiku fuq naħa, u proġetti speċifiċi u l-implimentazzjoni tagħhom fuq naħa oħra. Flimkien mal-gruppi ta' tmexxija, dawn jikkostitwixxu l-awtorità eżekuttiva reali.

4.3.6

L-analiżi tal-Kummissjoni turi li riżorsi organizzattivi u finanzjarji sinifikanti diġà huma disponibbli fil-livell Ewropew. Permezz tagħhom, aspetti duplikati u żejda jistgħu, u fil-fatt għandhom, jiġu evitati fil-governanza, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji, biex b'hekk jinkiseb tfaddil konsiderevoli. Għandhom jiġu żviluppati aktar l-għarfien u l-prattiki eżistenti.

4.3.7

Fir-rigward tal-implimentazzjoni, il-kooperazzjoni għandha ssir aktar ta' sustanza, għandhom jitħejjew laqgħat b'mod aktar frekwenti u għandha tiżdied il-koordinazzjoni bejn l-oqsma tematiċi, inkluż permezz ta' rabtiet aktar mill-qrib fi ħdan il-Kummissjoni nnifisha.

4.3.8

Il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi u r-reġjuni individwali tvarja minn makroreġjun għall-ieħor. Jeħtieġ li nevitaw li noħolqu strutturi istituzzjonali konvenzjonali żejda. Xi eżempji tajbin li nistgħu nsegwu huma l-Forum Atlantiku mwaqqaf għall-iżvilupp tar-reġjuni kostali tal-Atlantiku u inizjattivi innovattivi oħra.

4.3.9

L-analiżi tal-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni lejn għażla li tista' tkun implimentata permezz ta' kooperazzjoni bejn il-pajjiżi differenti, li għandha l-potenzjal tirriżulta f'benefiċċji sinifikanti. Il-KESE jaqbel li l-“punti tekniċi” jistgħu jipprovdu appoġġ għall-fluss ta' informazzjoni, l-attività organizzattiva, ir-rappurtaġġ, it-tixrid tal-aqwa prattiki, it-twaqqif ta' kumitati individwali u gruppi ta' ħidma, u l-organizzazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-laqgħat.

Brussels, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2014) 284 final.


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 604/2013 rigward id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta' minuri mhux akkumpanjati mal-ebda membru tal-familja, aħwa jew qraba legalment preżenti fi Stat Membru”

(COM(2014) 382 final – 2014/0202 (COD))

(2015/C 012/11)

Relatur:

is-Sinjura Attard

Amministratur:

is-Sinjura Walentynowicz

Nhar it-3 ta' Lulju 2014, il-Parlament Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 604/2013 rigward id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta' minuri mhux akkumpanjati mal-ebda membru tal-familja, aħwa jew qraba legalment preżenti fi Stat Membru

COM(2014) 382 final – 2014/0202 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta' Settembru.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'143 vot favur u vot 1.

1.   Rakkomandazzjonijiet u kunsiderazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 604/2013. Madankollu, ostakli bħalma huma l-kumplessità tas-sistemi amministrattivi, ġudizzjarji u sistemi oħra fl-Istati Membri, in-nuqqas ta' informazzjoni, u l-biża' li jiġu rrappurtati, fost affarijiet oħra, iridu jiġu indirizzati biex jiġi żgurat li l-ebda tifel jew tifla ma jitħalla f'sitwazzjoni ta' inċertezza legali jew ta' apolidija.

1.2

Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li l-prinċipju ta' “l-aħjar interessi tat-tifel jew tifla” għandu jieħu preċedenza fuq kull liġi nazzjonali u internazzjonali oħra.

1.3

Il-KESE jinnota li l-proposta attwali ma tipprovdix kriterji dwar “kif” u “min” se jistabbilixxi “l-aħjar interessi tat-tifel jew tifla”. Din id-definizzjoni għandha ssegwi r-regoli u l-istandards tal-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.

1.4

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-persunal li qed jittratta minuri mhux akkumpanjati għandu jkun imħarreġ sew biex jirrispetta d-drittijiet tat-tfal.

1.5

Sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess u jkun żgurat persunal kwalifikat, l-entità li tiddetermina l-aħjar interessi tat-tifel jew tifla għandha tkun entità indipendenti li mhix konnessa mal-awtoritajiet tal-immigrazzjoni. Preferibbilment għandha tkun l-entità nazzjonali responsabbli minn kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tat-tfal (1).

1.6

Il-KESE jenfasizza li l-waqfien mid-detenzjoni tat-tfal għandu jiġi indirizzat bħala prijorità urġenti, kemm jekk dawn ikunu akkumpanjati jew le, u irrispettivament taħt liema proċedura jaqgħu.

1.7

It-tfal mhux akkumpanjati u mifruda ma għandhom qatt jiġu rrifjutati d-dħul f'pajjiż, skont l-obbligi tan- non-refoulement li joħorġu mid-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, id-dritt umanitarju u tar-refuġjati.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi proċeduri uniformi u limiti ta' żmien adegwati u flessibbli għal każijiet li jirrigwardaw il-paragrafi 4b, 4c u 4d fl-iżgurar ta' ftehimiet bejn l-Istati Membri abbażi tal-aħjar interessi tat-tifel jew tifla.

1.9

Jeħtieġ li t-termini “jinforma” u “opportunità effettiva” jiġu definiti b'mod ċar biex ikun żgurat li l-minuri jkun assistit minn assistenti soċjali mħarrġa sew, interpreti indipendenti u rappreżentant kwalifikat li jaġixxi bħala kustodju legali sabiex il-minuri jifhem l-implikazzjonijiet tal-proċess kollu tal-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE.

1.10

Il-KESE jikkunsidra li kustodju legali għandu jkun “rappreżentant kwalifikat” li għandu jkollu esperjenza mal-minuri u għarfien dwar il-liġi nazzjonali dwar il-barranin u l-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal.

1.11

Il-KESE jħeġġeġ bis-sħiħ lill-Istati Membri biex jiżguraw li kwalunkwe proċedura ta' valutazzjoni tal-età tkun ibbażata fuq l-aħjar interess tal-minuri, bl-għan primarju li jiżguraw li l-minuri jingħataw id-drittijiet u l-protezzjoni li huma intitolati għalihom. Il-valutazzjoni għandha titwettaq fil-preżenza ta' kustodju legali.

1.12

Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li f'sitwazzjonijiet fejn il-minuri jsir adult waqt il-proċess biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, l-età tal-persuna għandha tittieħed bħala dik fid-data tal-applikazzjoni inizjali.

1.13

Jeħtieġ li tiġi riveduta firxa ta' aġendi ta' politika tal-UE għall-protezzjoni ta' minuri mingħajr dokumenti f'sitwazzjoni ta' migrazzjoni (2). Dawn jinkludu r-regolarizzazzjoni bħala għodda ta' politika tal-migrazzjoni, l-infurmar u l-appoġġ għall-familji li m'għandhomx dokumenti, il-bini ta' bażi ta' data ta' evidenza, ir-reġistrazzjoni tat-twelid u l-protezzjoni tad-data kif ukoll id-dritt għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, is-servizzi tas-saħħa u l-akkomodazzjoni.

1.14

Il-KESE jqis li hemm il-ħtieġa għal definizzjoni aktar komprensiva ta' “tfal mhux akkumpanjati f'sitwazzjoni ta' migrazzjoni irregolari” biex tkopri d-diversi sitwazzjonijiet li jkunu ġraw fil-prattika u li mhumiex koperti mir-regolament propost.

1.15

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-konsultazzjoni mal-esperti mis-soċjetà ċivili, il-professjonisti legali u l-prattikanti b'esperjenza fil-qasam tat-tfal migranti u jistenna bil-ħerqa li jikkollabora mal-Kummissjoni f'dan il-proċess.

2.   Sommarju tal-Proposta tal-Kummissjoni

2.1

F'din il-proposta l-Kummissjoni għandha l-għan li temenda l-Artikolu 8, paragrafu 4 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (minn hawn 'il quddiem: ir-Regolament ta' Dublin III).

2.2

Il-proposta saret fid-dawl tas-sentenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (3), li tikkjarifika liema Stat Membru huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet magħmula minn minuri mhux akkumpanjati. Din għandha ttejjeb is-sitwazzjoni ta' dawk il-minuri mhux akkumpanjati li ma għandhom l-ebda familja, aħwa jew qraba fit-territorju tal-Istati Membri.

2.2.1

Il-paragrafu 4a huwa tfassil mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti fil-kawża C-648/11 li tistabbilixxi li “meta l-minuri mhux akkumpanjat ma għandu l-ebda membru tal-familja, aħwa jew qraba legalment preżenti fi Stat Membru kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, l-Istat Membru responsabbli jkun dak fejn il-minuri mhux akkumpanjat ikun iddepożita applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u fejn jinsab preżenti, sakemm dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri”.

2.2.2

Il-paragrafu 4b jindirizza sitwazzjoni meta minuri li jkun applika għall-protezzjoni internazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 4a hu preżenti fit-territorju ta' Stat Membru mingħajr ma jippreżenta applikazzjoni f'dak l-Istat Membru. Dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-minuri mhux akkumpanjat bid-dritt li japplika u jipprovdilu opportunità effettiva biex jippreżenta applikazzjoni f’dak l-Istat Membru, sakemm dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri.

2.2.3

B'hekk il-minuri għandu żewġ għażliet: jew japplika għall-protezzjoni internazzjonali f'dak l-Istat Membru jew ma japplikax.

2.2.4

Skont il-paragrafu 4c, f'dan l-aħħar każ, jiġifieri fil-każ ta’ minuri li jiddeċiedi li ma jippreżentax applikazzjoni ġdida fl-Istat Membru fejn ikun preżenti li mhijiex indirizzata bil-Kawża C-648/11, il-minuri għandu jiġi trasferit lill-Istat Membru fejn il-konsiderazzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri tindika bħala l-aktar wieħed xieraq. Din ir-regola għandha l-għan li tiżgura li jkun hemm ċertezza biex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli, bl-introduzzjoni ta' regola li hija ċerta u prevedibbli u li l-proċedura ma tiħux fit-tul għal xejn. Il-garanziji għall-minuri previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament 604/2013 japplikaw għall-minuri kollha li huma soġġetti għall-proċeduri ta' dan ir-Regolament, iżda l-proposta tintroduċi wkoll, fil-paragrafu 4c, obbligu li l-Istat Membru mitlub biex jieħu lura persuna minuri mhux akkumpanjata jikkoopera mal-Istat Membru fejn il-minuri mhux akkumpanjat ikun preżenti sabiex jivvalutaw l-aħjar interessi tal-minuri.

3.   Kuntest

3.1

L-isfidi li jiffaċċjaw il-minuri mhux akkumpanjati huma diversi u kumplessi, u jirrikjedu approċċi multilaterali, komprensivi u olistiċi.

3.2

Il-KESE jirrakkomanda li kull tifel jew tifla għandhom jingħataw informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom adatti għall-età tagħhom, abbażi tal-Konvenzjoni rilevanti tan-NU, biex b'hekk ikun żgurat li l-minuri, b'mod speċjali l-minuri “inviżibbli” li m'huma qegħdin taħt l-ebda kura adegwata, jistgħu jingħataw is-setgħa li jfittxu protezzjoni.

3.3

Fl-2013, madwar 1 20  000 applikant għall-asil fl-UE kienu minuri, li jirrappreżentaw aktar minn kwart tal-għadd totali ta' applikanti għall-asil. 12  685 applikant għall-asil kienu minuri mhux akkumpanjati (4). Il-proporzjon ta' minuri mhux akkumpanjati li jitolbu l-asil fl-Ewropa baqgħet stabbli matul l-aħħar 10 snin b'madwar 5 % tan-numru totali ta' talbiet għall-asil magħmula fl-Ewropa.

3.4

L-istatus ta' “tfal mobbli” jista' jvarja f'diversi stadji waqt il-vjaġġ tagħhom, u dawn jistgħu jiltaqgħu ma’ ħafna sitwazzjonijiet differenti ta’ vulnerabbiltà (5), li kollha jridu jiġu indirizzati.

3.5

Dawn jistgħu jkunu qed jivvjaġġaw mal-familja tagħhom, jew b'mod indipendenti, jew ma' persuni mhux membri tal-familja, jew tħallew waħidhom wara li jkunu daħlu fit-territorju tal-Istat Membru. Il-ġenituri jew il-kuraturi ta' dawn it-tfal jistgħu wkoll ikunu bla dokumenti, pereżempju dawk li jkunu daħlu irregolarment jew baqgħu għal iktar żmien mill-permess ta' residenza jew tal-viżi bħala familja. Il-ġenituri jew il-kuraturi tagħhom jista' jkollhom ukoll status ta' migrazzjoni regolari, pereżempju meta t-tfal jiġu l-Ewropa biex jerġgħu jingħaqdu mal-familja tagħhom iżda ma jaqgħux taħt skemi ta' riunifikazzjoni. It-tfal li jitwieldu fl-Ewropa jistgħu wkoll ikunu bla dokumenti, minħabba li l-ġenituri tagħhom huma mingħajr dokumenti. Barra minn hekk, it-tfal jistgħu jitħallew l-art f'każ ta' deportazzjoni.

3.6

L-Istati Membri huma legalment obbligati li jiżguraw li s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, partikolarment fil-kawża C-648/11 rilevanti għar-Regolament Nru 604/2013 u l-protezzjonijiet u l-istandards tal-Konvenzjoni tan-NU, ikunu adottati fil-leġislazzjoni nazzjonali u għandhom jagħtu każ żewġ prinċipji globali tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal: (i) il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 2) u (ii) l-aħjar interessi għat-tfal (l-Artikolu 3). Kwalunkwe politika jew prattika li tmur kontra l-liġijiet internazzjonali u/jew Ewropej għandha tiġi kkontestata bħala illegali, u għandhom jibdew proċeduri ta' ksur kull meta jinkisru d-drittijiet tat-tfal.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Ir-regolament propost se jiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw mal-Kumment Ġenerali Nru 6 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC), li jittratta t-trattament tat-tfal mhux akkumpanjati u mifruda barra l-pajjiż ta' oriġini tagħhom.

4.2

It-THC 1996 (6) tiddikjara li irrispettivament mil-leġislazzjoni nazzjonali, il-limitu tal-età ta' “tfal” jew “minuri” huwa DEJJEM 18-il sena.

4.3

Il-prinċipji fundamentali fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal għandhom bżonn jiġu integrati fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-liġijiet, il-politiki, il-proċeduri u l-prattiki li jaffettwaw lit-tfal migranti mhux akkumpanjati.

4.4

Il-minuri li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet preċedentement miċħuda fi kwalunkwe Stat Membru għandhom ikunu koperti minn din il-leġislazzjoni proposta.

4.5

Il-persunal li jkollu x'jaqsam ma' minuri mhux akkumpanjati (l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji, dawk li jagħmlu l-intervisti, l-interpreti, il-ħaddiema soċjali u dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, il-professjonisti tas-saħħa, il-gwardjani, ir-rappreżentanti legali, l-uffiċjali tal-pulizija u l-gwardjani tal-fruntieri, fost oħrajn) għandhom ikunu mħarrġa kif xieraq biex jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal.

4.6

Il-Konvenzjoni tan-NU tobbliga lill-istati biex jittrattaw it-tfal mingħajr dokumenti bl-istess mod bħat-tfal “kollha”, mingħajr distinzjoni. Madankollu fil-prattika teżisti tensjoni bejn l-oqfsa legali nazzjonali li jirregolaw il-kontroll tal-immigrazzjoni u dawk dwar il-protezzjoni tat-tfal. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li tfal f'sitwazzjoni irregolari jitqiesu u jiġu protetti bħala tfal, l-ewwel u qabel kollox, skont is-sistemi nazzjonali għall-ħarsien tat-tfal.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-KESE diġà esprima b'mod qawwi l-fehma tiegħu dwar politiki u prattiki marbuta mad-drittijiet fundamentali tal-migranti f'sitwazzjoni regolari jew irregolari, f'firxa wiesgħa ta' opinjonijiet tal-KESE (7) u permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni.

5.2

Għandhom jiġu żgurati kondizzjonijiet ta' akkoljenza tat-tfal, skont il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU u Konvenzjonijiet Internazzjonali oħra, bħalma hija l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, għat-tfal migranti kollha jew tfal f'sitwazzjoni ta' migrazzjoni irregolari, kemm jekk huma bid-dokumenti jew mingħajrhom, anke f'każ ta' migrazzjoni bejn pajjiż u ieħor fl-Ewropa stess.

5.3

Immedjatament wara l-wasla ta' tifel jew tifla mifrudin jew mhux akkumpanjati, għandha tingħata għajnuna legali b'xejn u għandu jinħatar kustodju legali kwalifikat u indipendenti biex jappoġġjahom, jagħtihom il-pariri u jipproteġihom sakemm jerġgħu jingħaqdu mal-familja tagħhom, jew ikunu rċevew post adatt għall-kura.

5.4

Għalkemm il-liġi tal-UE tirrikonoxxi l-importanza tal-kustodja legali, hija ma tiddefinixxix id-dmirijiet ta' kustodju legali. Il-kustodju legali għandu jkun “rappreżentant kwalifikat” li għandu esperjenza fit-trattament ta' minuri u għarfien tal-liġi nazzjonali dwar il-barranin u l-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal, bl-awtorità li jirrappreżenta lit-tifel jew tifla fil-proċessi kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet, dejjem jekk it-tifel jew tifla jagħtu l-kunsens tagħhom (8). Il-kustodju għandu jkollu r-riżorsi finanzjarji biex jinvolvi aktar għarfien speċjalizzat jekk ikun meħtieġ fl-aħjar interess tal-minuri.

5.5

Matul il-proċess għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, il-minuri mhux akkumpanjati għandu jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, u servizzi tas-saħħa fuq bażi ugwali bħal tfal oħra fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru riċeventi, b'kunsiderazzjoni partikolari tal-istat psikoloġiku tat-tifel jew tifla.

5.6

Jeħtieġ li l-opinjoni tat-tfal u n-narrazzjoni tal-esperjenzi tagħhom jiġu inkorporati fir-reazzjonijiet ta' formulazzjoni tal-politika u l-pjani ta' azzjoni għat-tfal. Ir-riċerka dwar il-ħtieġa għal evidenza li tiffoka fuq it-tfal, inkluż id-dritt tat-tfal li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom b'mod ħieles fuq il-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw lit-tfal, ipprovdiet evidenza diretta għall-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-minuri mhux akkumpanjati (2010-2014) (9).

5.7

It-termini “jinforma” u “opportunità effettiva” jeħtieġ li jiġu definiti b'mod ċar biex ikun żgurat (i) li l-minuri jkun assistit minn assistenti soċjali mħarrġa sew, interpreti indipendenti u kustodju legali biex dan jifhem l-implikazzjonijiet tal-proċess kollu tal-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE, f'lingwa li jista' jifhimha, u (ii) li hu għandu jagħti jew jiċħad il-kunsens tiegħu bil-miktub jekk meħtieġ.

5.8

Fl-ebda fażi tal-proċess ta' applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali m'għandhom il-minuri jinżammu f'detenzjoni. Barra minn hekk, id-detenzjoni mhux se tippermettilhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor sabiex japplikaw hemmhekk (10).

5.9

Kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skont ir-Regolamenti Dublin II u III dwar il-minuri mhux akkumpanjati li qed ifittxu l-asil għandha tkun konformi mal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (11).

5.10

Il-ftehimiet u l-protokolli ma' Stati Membri differenti mitluba fir-regolament propost għandhom jikkonformaw mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

5.11

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ li wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament emendat, il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni tal-Atti Delegati, kif stipulat fir-Regolament Dublin III u fuq il-bażi tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

5.12

It-terminu “l-aħwa adulti” irid jiġi ċċarat fil-kunsiderazzjoni tad-dritt tal-minuri għar-riunifikazzjoni tal-familja biex jiġi żgurat li l-adult jista' jwettaq id-dmirijiet tiegħu lejn il-minuri b'mod responsabbli skont il-liġi.

5.13

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu l-appoġġ meħtieġ u l-kura speċjalizzata għal tfal vulnerabbli inklużi t-tfal bi problemi psikoloġiċi, diżabilità mentali jew fiżika u/jew problemi ta' saħħa, kif ukoll tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, inklużi tfal li ġejjin minn reġjuni ta' kunflitt fejn huma jew il-familja tagħhom għaddew minn esperjenzi trawmatiċi, kif ukoll adolexxenti tqal jew ġenituri żgħażagħ taħt l-età ta' 18-il sena.

5.14

Il-KESE jħeġġeġ bis-sħiħ lill-Istati Membri biex jiżguraw li kwalunkwe proċedura ta' valutazzjoni tal-età (i) tkun ibbażata fuq l-aħjar interess tal-minuri (12), (ii) tirrikjedi l-preżenza ta' kustodju legali, u (iii) tkun ipproċessata minn professjonisti indipendenti inklużi psikologi tat-tfal, ħaddiema soċjali u esperti legali, bħala parti minn tim ta' esperti rġiel u nisa. Il-proċess ta' valutazzjoni u d-deċiżjoni għandhom jiġu dokumentati b'mod preċiż.

5.15

Sakemm din il-valutazzjoni tkun lesta, kull persuna li tistqarr li hi minuri għandha tkun meqjusa u trattata bħala minuri.

5.16

Il-valutazzjoni tal-età għandha titwettaq primarjament fuq il-bażi tal-evidenza mid-dokumenti. Sentenza riċenti mill-Qorti Spanjola stabbilixxiet li d-dokumentazzjoni m'għandhiex tiġi ddubitata.

5.17

Il-minuri għandu jiġi infurmat bis-sħiħ dwar il-proċess ta' valutazzjoni tal-età u l-konsegwenzi tiegħu, u l-fehmiet tal-minuri għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni xierqa skont l-età u l-maturità tiegħu.

5.18

Fin-nuqqas ta' dokumentazzjoni jew fil-każijiet ta' dubju serju dwar l-età tal-minuri, jistgħu jitwettqu investigazzjonijiet mediċi/fiżiċi bħala l-aħħar miżura, filwaqt li jiġu rispettati l-kultura, id-dinjità, l-integrità fiżika u morali, tal-minuri, peress li wħud mill-valutazzjonijiet fiżiċi jistgħu jkunu partikolarment stressanti, invażivi u trawmatiċi. Meta l-investigazzjonijiet mediċi/fiżiċi jitqiesu bħala neċessarji għandu jintalab u jinkiseb il-kunsens. L-investigazzjoni medika/fiżika għandha tiġi akkumpanjata minn valutazzjoni soċjopedagoġika minn esperti. Iż-żewġ proċeduri għandhom ikunu kumulattivi.

5.19

Is-sejbiet ta' kwalunkwe proċedura għandhom ikunu soġġetti għal appell.

5.20

Il-pożizzjoni legali ta' minuri mhux akkumpanjat li jsir adult hija kumplessa, u tvarja bejn l-Istati Membri. Għalkemm ir-regoli proċedurali huma stabbiliti f'Direttiva dwar l-asil dwar din il-kwistjoni, hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli dwar id-drittijiet ta' persuna li tagħlaq it-18-il sena matul il-proċedura.

5.21

Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li f'sitwazzjonijiet bħal dawn, l-età għandha tiġi determinata fl-istadji inizjali tal-applikazzjoni, sabiex jitnaqqas ir-riskju li l-minuri jispiċċa bi status irregolari u jisparixxi.

5.22

Ir-rispons tal-istati għall-kwistjoni tat-traffikar tat-tfal m'għandux jiġi determinat mill-istatus ta' immigrazzjoni tat-tfal u l-applikazzjoni għall-asil tagħhom, iżda fl-aħjar interessi tat-tfal.

5.23

It-tfal f'sitwazzjoni ta' migrazzjoni irregolari m'għandhom qatt ikunu soġġetti għal proċedimenti kriminali għal raġunijiet marbuta biss mal-istatus tal-immigrazzjoni tagħhom jew fejn l-involviment tagħhom f'attività kriminali huwa r-riżultat ta' sfruttament.

5.24

L-Istati Membri għandhom sal-aħħar ta' Lulju 2015 sabiex jimplimentaw id-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-asil li tinkludi, fost affarijiet oħra, l-obbligi tal-Istati Membri li jidentifikaw każijiet ta' tfal mhux akkumpanjati vulnerabbli fi stadju bikri.

Brussels, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Bħall-Oficina de Proteccion de Menores fi Spanja jew l-Uffiċċji għall-Benesseri taż-Żgħażagħ fil-Ġermanja.

(2)  Dr Sarah Spencer, Compas, Università ta' Oxford.

(3)  Kawża C-648/11 MA and Others vs Secretary of State for the Home Department, UK.

(4)  Eurostat (2014), Asylum Statistics, http://epp.eurostat.ec.europa.eu/statistics_explained/index.php/Asylum_statistics.

(5)  Dokument ta' sfond tal-European Forum on the Rights of the Child (2012) – http://ec.europa.eu/justice/fundamental-rights/files/background_cps_children_on_the_move_en.pdf

(6)  Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà Parentali u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, (THC 1996), http://www.hcch.net/index_en.php?act=conventions.text&cid=70

(7)  (ĠU C 128/29, 18.5.2010), (ĠU C C48/6, 15.2.2011), (ĠU C 67, 6.3.2014.), (ĠU C 317/110, 23.12.2009).

(8)  THC 1996.

(9)  FRA (2009) Developing indicators for the protection, respect and promotion of the Rights of the Child in the European Union (L-iżvilupp ta’ indikaturi għall-ħarsien, ir-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-Unjoni Ewropea).

(10)  Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, General Comment No 6, Treatment of unaccompanied minors and separated children outside their country of origin CRC/GC/2005/6.

(11)  Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, 6 ta' Ġunju 2013, kawża C-648/11.

(12)  ENOC European Network of Ombudspersons for Children – www.ombudsnet.org


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi, li jemenda r-Regolament (UE) Nru XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007”

(COM(2014) 180 final – 2014/0100 (COD))

(2015/C 012/12)

Relatur:

is-Sur Krauze

Amministratur:

is-Sinjura Guarinoni

Nhar it-2 ta' April 2014 u nhar it-28 ta' April 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi, li jemenda r-Regolament (UE) Nru XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali] u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007

COM(2014) 180 final – 2014/0100 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Ottubru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'61 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-proposta leġislattiva tal-Kummissjoni u l-intenzjoni tagħha li tippromovi l-iżvilupp tal-biedja organika fl-Ewropa b'mod parallel mal-iżvilupp tad-domanda, filwaqt li jaqbel li hemm bżonn jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-sistema attwali. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ kemm l-iżvilupp tal-biedja organika kif ukoll il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti organiċi.

1.2

Madankollu, jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni ma tevalwax kif suppost l-impatti li tħalli leġislazzjoni ġdida fuq l-iżvilupp ulterjuri tal-biedja organika fl-Ewropa. Lanqas ma tivvaluta l-impatt fuq il-bdiewa organiċi u l-effetti ta' din il-leġislazzjoni fuq il-kontinwazzjoni tal-produzzjoni.

1.3

Il-KESE jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tħeġġeġ lin-negozji ż-żgħar jipprattikaw il-biedja organika u li tnaqqas il-piż amministrattiv matul il-katina kollha tal-prodotti organiċi.

1.4

L-UE hija importatur nett ta' prodotti organiċi; madanakollu, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-piż amministrattiv li dejjem jiżdiedu u li jaffettwaw il-bdiewa Ewropej ma jippermettux li s-settur jiżviluppa b'mod sodisfaċenti l-produzzjoni organika fl-Istati Membri tal-UE biex jindirizza d-domanda dejjem akbar min-naħa tal-konsumaturi.

1.5

B'mod ġenerali, il-KESE jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni ta' tranżizzjoni sħiħa għall-biedja organika bil-kundizzjoni li jiġu previsti derogi f'ċerti każijiet. Hemm bżonn li jittieħdu wkoll miżuri ta' appoġġ supplimentari sabiex tiġi faċilitata t-tranżizzjoni tal-bdiewa lejn agrikoltura 100 % organika

1.6

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirfina l-proposta għal Regolament rigward il-propagazzjoni ta' materjal veġetattiv u ż-żrieragħ, għax se jkun diffiċli għall-produtturi tal-biedja organika li jużaw 100 % żrieragħ organiċi sal-2021.

1.7

Il-KESE jispera li n-negozjati dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) u ftehimiet oħra li ser jiġu konklużi ma jkollhomx l-effett li jdgħajfu l-istandards tal-UE tal-prodotti organiċi u jerġgħu jiftħu d-diskusskoni dwar il-kundizzjonijiet li japplikaw għall-produzzjoni, il-bejgħ u ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti organiċi, jew li dawn il-kundizzjonijiet jinbidlu.

1.8

Fl-azjendi organiċi jeħtieġ li jiġu applikati, f'ħafna livelli, standards ta' benesseri tal-animali ogħla minn dawk applikati fl-azjendi konvenzjonali; madankollu, f'ċerti każijiet il-produtturi organiċi jistgħu jsibuha diffiċli li jikkonformaw mar-rekwiżiti għolja. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinvestiga u tidentifika bir-reqqa l-possibbiltajiet ta' deroga, fir-rigward ta' rekwiżiti minimi applikabbli fil-qafas tal-benesseri tal-annimali fil-biedja organika, sabiex jiġu preservati r-regoli u l-metodi ta' trobbija tradizzjonali użati għal żmien twil għar-razez lokali.

1.9

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina u tieħu kunsiderazzjoni tad-differenzi fit-tradizzjoni, l-istorja, u l-klima tal-Istati Membri u tar-reġjuni fl-UE, kif ukoll l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tal-produzzjoni sabiex jinżamm ċertu livell ta' flessibilità fl-applikazzjoni tad-derogi u fl-istess ħin għandu jiġi garantit ċertu livell ta' armonizzazzjoni.

1.10

Il-produtturi organiċi għandhom ikunu kapaċi jikkonformaw mal-impenji li jkun ttieħdu u għal din ir-raġuni jkun jaqbel li, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid f'nofs it-terminu tal-perjodu ta' finanzjament 2014-2020 tal-programmi għall-iżvilupp rurali, il-produtturi jkollhom garanzija li jkunu jistgħu jissoktaw bl-impenji tagħhom qabel jew wara r-Regolament il-ġdid. Għandu jiġi żgurat li l-bidliet fil-qafas legali attwali fi ħdan perjodu ta' kuntratt kurrenti ma jwasslux għal sanzjonijiet retroattivi għal dawk il-bdiewa li ma jistgħux jadattaw għar-rekwiżiti emendati.

1.11

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tqis l-ispeċifiċità taż-żoni ultraperiferiċi Ewropej biex tippermettilhom jiżviluppaw agrikoltura bijoloġika lokali (aċċess għaż-żrieragħ, nuqqas ta' diversità tal-provvisti, problemi sanitarji).

1.12

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiċċara l-istatut tal-ħalib tan-naħal, il-polline u x-xama' tan-naħal billi tinkludihom fil-lista tal-prodotti l-oħra elenkati fl-Anness I A u B tal-Abbozz ta' Regolament.

1.13

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna adegwata għall-informazzjoni u t-taħriġ fil-qasam tal-biedja organika b'enfasi partikolari fuq it-taħriġ professjonali taż-żgħażagħ u t-tagħlim tul il-ħajja fost il-produtturi attivi.

1.14

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tħabbrek favur it-tfassil ta' Proposta għal Regolament li tippromovi l-implimentazzjoni tal-bejgħ dirett u l-ktajjen qosra għall-provvista ta' prodotti organiċi.

1.15

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-Regolament jinkludi l-għodod meħtieġa għall-promozzjoni tax-xiri pubbliku u kollettiv tal-ikel organiku fl-iskejjel, l-isptarijiet u faċilitajiet pubbliċi oħra.

2.   Kummenti ġenerali

Informazzjoni ġenerali dwar il-pożizzjonijiet meħuda mill-partijiet interessati

2.1

Il-biedja organika hija sistema ta' produzzjoni ġenerali bbażata fuq il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, li timponi limiti stretti fuq l-użu ta' sustanzi kimiċi u sintetiċi, tipprevedi l-eliminazzjoni ta' fertilizzanti minerali u tipprojbixxi l-użu ta' organiżmi modifikati ġenetikament.

2.2

L-agrikoltura organika mhijiex limitata biss għal mod partikolari ta' produzzjoni jew ta' produzzjoni ta' ċerti prodotti, iżda tinkorpora dan il-mod ta' produzzjoni f'kunċett usa'. L-agrikoltura organika tikkunsidra kemm l-ambjent fiżiku fejn titwettaq kif ukoll il-kundizzjonijiet soċjali tagħha. Din hija forma ta' produzzjoni b'viżjoni ħafna usa' fejn tiġi kkunsidrata wkoll id-dimensjoni soċjoekonomika, politika u soċjokulturali.

2.3

L-azjendi organiċi ġeneralment fihom aktar bijodiversità, u jgħixu fihom aktar speċijiet ta' pjanti u insetti meta mqabblin ma' azjendi li mhumiex organiċi. L-art tagħhom għandha ħafna iktar ħlejjaq fil-ħamrija li jgħinu biex jinżammu l-istruttura tal-ħamrija u livell għoli ta' materja organika, li jtejbu l-ventilazzjoni u d-drenaġġ tal-ħamrija.

2.4

Il-kwalità tal-ilma fil-madwar ta' dawn l-azjendi tkun aħjar għaliex il-produtturi organiċi ma jużawx fertilizzanti u lanqas minerali sintetiċi li jagħmlu ħsara. In-newba tal-uċuħ tar-raba' kif suppost tgħin biex titjieb il-fertilità tal-ħamrija u l-effikaċja tal-elementi nutrittivi. Tqabbil bejn l-azjendi juru li t-tnixxija tan-nitrati għal kull ettaru hija inqas minn 57 % fl-azjendi organiċi.

2.5

Il-biedja organika tippromovi l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi. Studju li sar fl-2011 fir-Renju Unit u l-Irlanda dwar ir-rata tal-impjieg fl-azjendi organiċi juri li dawn tal-aħħar jirrappreżentaw 135 % ta' impjiegi full-time meta mqabblin ma' azjendi agrikoli konvenzjonali (1).

2.6

Matul il-konsultazzjoni onlajn imnedija mill-Kummissjoni fl-2013, l-organizzazzjonijiet ta' partijiet interessati enfasizzaw li r-reviżjoni tal-leġislazzjoni f'dan il-qasam għandha tibni fuq is-suċċess tal-leġislazzjoni fis-seħħ u tippermetti li l-UE tiżviluppa l-produzzjoni organika. Fost ix-xenarji proposti mill-Kummissjoni, il-parti l-kbira tal-partijiet interessati kienu favur l-alternattiva politika ta' titjib tal-istatus quo, jiġifieri applikazzjoni aħjar tal-leġislazzjoni eżistenti u l-adattament tagħha.

2.7

Minkejja l-opinjonijiet imressqa mill-organizzazzjonijiet ta' partijiet interessati u tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-leġislazzjoni l-ġdida, il-Kummissjoni Ewropea ħejjiet u ppreżentat proposta leġislattiva li tintroduċi tibdil sinifikanti.

Informazzjoni ġenerali dwar l-inizjattivi leġislattivi tal-Kummissjoni

2.8

Il-Proposta tal-Kummissjoni tiffoka fuq tliet objettivi ewlenin: li tinżamm il-fiduċja tal-konsumatur, tinżamm il-fiduċja tal-produtturi, u li jitħaffef il-proċess biex il-bdiewa isiru produtturi organiċi.

2.9

Il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ u tarmonizza r-regoli applikabbli kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fir-rigward ta' prodotti importati permezz ta' tneħħija ta' bosta derogi eżistenti għall-produzzjoni u l-kontrolli; ġestjoni aħjar tal-aspett internazzjonali tal-kummerċ ta' prodotti organiċi billi jiddaħħlu dispożizzjonijiet ġodda dwar l-esportazzjonijiet; u fl-aħħar nett, permezz ta' tisħiħ tal-kontrolli abbażi tar-riskji.

2.10

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Kummissjoni huwa li tiffaċilita t-tranżizzjoni ta' bdiewa żgħar għall-biedja organika billi tingħatalhom l-opportunità li jissieħbu f'sistema ta' ċertifikazzjoni ta' grupp, u billi tissemplifika l-leġislazzjoni b'mod li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi imposti fuq il-bdiewa u tiżdied it-trasparenza.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali u partikolari

3.1

Il-KESE jaqbel li hemm bżonn jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-sistema attwali. Pereżempju, huwa essenzjali li n-negozji ż-żgħar jiġu mħeġġa jibdew produzzjoni organika u li l-piż amministrattiv jitneħħa biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni indaqs u biex tittejjeb il-fiduċja tal-konsumaturi fil-biedja organika.

3.2

Permezz tat-titjib fl-istandards tal-kwalità għall-produzzjoni organika, u l-introduzzjoni ta' regoli aktar stretti għall-produzzjoni manwali jistgħu jiżdiedu l-fiduċja tal-konsumatur u fl-istess ħin jiġu ġustifikati d-differenzi fil-prezzijiet meta mqabblin ma' prodotti konvenzjonali. Madankollu, ma nistgħux ninsew li l-azjendi ż-żgħar li jixtiequ jirrispettaw dawn l-istandards jistgħu jidħlu f'diffikultajiet ekonomiċi.

3.3

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tindika b'mod ċar li l-punti prinċipali tar-regolament attwali ser jiġu inklużi fir-regolament il-ġdid iktar milli fl-atti delegati u ser jibqgħu validi. Jeħtieġ li jiġu eżaminati fi żmien xieraq u f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati, il-każijiet li jirrikjedu atti ta' implimentazzjoni u dawk li jirrikjedu atti delegati.

3.4

Il-KESE jinnota li l-biedja organika hija inkompatibbli mal-użu tal-prodotti modifikati ġenetikament fil-proċess tal-produzzjoni, l-istess bħal fil-każ ta' kultivazzjoni ta' pjanti modifikati ġenetikament fis-sistemi ta' biedja organika u fil-viċinanzi tagħhom.

3.5

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra l-istudji xjentifiċi dwar id-dakra. Id-dakra, li żviluppat matul miljuni ta' snin għall-fertilizzazzjoni tal-pjanti bil-fjuri, tiddependi direttament mid-distanza tat-titjira tal-ħlejjaq dakkara, inkluż in-naħal (Apis mellifera). Madankollu, bħalissa dawn il-ħlejjaq pollinaturi jistgħu jġorru wkoll l-għabra tad-dakra li jkun fiha ġeni modifikati ġenetikament. Pereżempju, studji xjentifiċi (2) juru li n-naħla, waħda mill-pollinaturi ewlenin, tista' ttir sa 14-il km.

3.6

Il-KESE jibża' li l-introduzzjoni ta' valuri ta' limitu għall-prodotti tal-biedja organika kif tipprevedi pereżempju d-Direttiva 2006/125/KE ser tfisser spejjeż addizzjonali għall-bdiewa. Dan jista' jtellef jew jimpedixxi spinta fis-settur u jkollu effett fuq il-produtturi ż-żgħar tal-biedja organika. Il-KESE jemmen li l-bdiewa tal-prodotti organiċi bħal bdiewa oħra huma esposti għall-istess kundizzjonijiet ambjentali. Għalhekk m'għandux ikun hemm valuri ta' limitu separati. Il-protezzjoni tal-konsumatur m'għandhiex tinqasam fi tnejn.

3.7

Il-KESE jenfasizza li l-livelli ta' residwi fil-prodotti organiċi huma bażikament aktar baxxi minn dak fil-prodotti ta' agrikoltura konvenzjonali, madankollu, attwalment dawn il-limiti ta' residwi m'humiex stabbiliti. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-ewwel għandu jitwettaq studju bir-reqqa li jinkludi valutazzjoni tal-impatt. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza li m'hemmx regoli uniformi fil-livell Ewropew li jikkonċernaw it-tagħmir tal-laboratorji Ewropej, il-metodi applikati jew il-livelli massimi ta' diżattivazzjoni eżistenti fi ħdan il-korpi ta' ċertifikazzjoni. Din l-armonizzazzjoni għandha tkun prerekwiżit għal kwalunkwe forma ta' ffissar ta' livell massimu ta' diżattivazzjoni Ewropew. Din l-inizjattiva għandha b'mod imperattiv tintrabat mat-twaqqif ta' mekkaniżmu Ewropew ta' kumpens għall-operaturi li jisfaw vittmi fejn ikollhom iħallsu l-ispejjeż huma stess f'każ ta' kontaminazzjoni aċċidentali jew provokata.

3.8

B'mod ġenerali, il-KESE jista' jifhem l-għan tal-Kummissjoni ta' tranżizzjoni sħiħa tal-azjendi mħallta għall-biedja organika. Madankollu, attwalment hemm ħafna azjendi mħallta, fejn parti minnhom tkun ġestita f'konformità mar-rekwiżiti applikabbli għall-produzzjoni organika u l-parti l-oħra tkun immexxja skont il-prinċipji tal-biedja konvenzjonali. Il-proposta leġislattiva tipprevedi t-tneħħija gradwali tal-azjendi mħallta sal-2017. Il-KESE jemmen li ser ikun diffiċli għal bosta azjendi agrikoli li jikkonvertu l-azjenda agrikola għalkollox. Barra minn hekk, xejn mhuwa ċar liema konsegwenzi jista' jkollha implimentazzjoni riġida ta' dan il-prinċipju. It-taqsim strateġiku tal-azjendi agrikoli jew iż-żieda fl-abbandun tal-produzzjoni organika jkunu pjuttost kontroproduttivi. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li tinżamm il-flessibbiltà f'ċerti każi.

3.9

Il-KESE jirrakkomanda li jinżammu derogi f'każijiet speċifiċi ta' produzzjoni parallela (li tirriżulta minn prodotti organiċi u prodotti konvenzjonali). Jekk id-deroga ma tiġix applikata dan jista' jxekkel l-iżvilupp tal-biedja organika. Għandhom jinżammu d-derogi f'dawn il-każijiet: 1) għall-istituzzjonijiet xjentifiċi li jwettqu studji kemm fl-agrikoltura organika kif ukoll f'dik konvenzjonali; 2) il-prodotti mhux tal-ikel, pereżempju azjendi organiċi involuti fl-agrituriżmu li għandhom ikunu jistgħu jżommu żwiemel ta' rkib konvenzjonali; 3) il-konsum personali pereżempju fl-azjendi li jipproduċu pjanti organiċi fejn is-sidien għandhom baqar jew tiġieġ għall-użu personali tagħhom; 4) l-azjendi f'żoni ġeografiċi differenti pereżempju jekk parti mill-art jew il-bini tal-azjenda tinsab fil-muntanji filwaqt li parti oħra f'wied jew jekk żewġ azjendi biż-żmien saru ħaġa waħda filwaqt li bejniethom hemm distanza ta' kilometri, u li jiggarantixxu li ma teżistix kontaminazzjoni ta' prodotti organiċi minn prodotti konvenzjonali; 5) għall-uċuħ perenni, inklużi l-uċuħ tas-siġar, il-vitikultura jew il-pjanti fragranti, eċċ.; 6) għall-uċuħ li m'għandhom l-ebda opportunità jintużaw fil-biedja organika.

3.10

F'ħafna livelli tal-azjendi organiċi jeħtieġ jiġu applikati standards iktar għoljin tal-benesseri tal-annimali minn dawk applikati fl-azjendi konvenzjonali. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni li teżamina bir-reqqa l-eżiġenzi partikolari imposti fuq il-produtturi organiċi u li tqis il-possibbiltà ta' deroga fejn jidħlu projbizzjonijiet speċifiċi applikabbli fil-qasam tal-benesseri tal-annimali fil-biedja organika (il-qtugħ tad-denb, iż-żamma ta' annimali marbutin eċċ.). Biex nagħtu eżempju, f'bosta Stati Membri tal-UE snin twal ta' tnissil selettiv wasslu għal razez ta' nagħaġ tradizzjonali fejn il-qtugħ tad-denb huwa indispensabbli u mingħajru l-annimali jsofru. Il-KESE jqis li xi projbizzjonijiet u n-nuqqas ta' derogi jistgħu jnaqqsu l-benesseri tal-annimali jekk ifixklu l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet u metodi agrikoli tradizzjonali li jintużaw għar-razez lokali u li ilhom jintużaw għal żmien twil. Il-projbizzjonijiet jistgħu jwasslu wkoll għat-telfa sħiħa ta' ċertu razez ta' produzzjoni li tkun telfa konsiderevoli f'termini ta' riżorsi ġenetiċi.

3.11

Id-deroga għall-użu ta' żerriegħa mhux organika se titneħħa gradwalment sal-2021. L-organizzazzjonijiet tal-biedja organika jinnutaw li, f'ħafna pajjiżi, il-bdiewa li jkabbru varjetajiet speċifiċi mhux se jkun faċli għalihom li sal-2021 jilħqu l-mira ta' użu ta' żrieragħ organiċi biss. Sabiex jingħelbu d-diffikultajiet għall-bdiewa organiċi f'dan il-qasam, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tirfina l-proposta għal Regolament; id-deroga għandha tapplika biss għall-uċuħ tar-raba' li għalihom is-suq ma jipprovdix żrieragħ adatti għall-klima u l-kundizzjonijiet lokali.

3.12

Il-Kummissjoni għandha tipprevedi mekkaniżmi ta' appoġġ għall-iżvilupp tal-produzzjoni taż-żerriegħa sabiex jintlaħaq dan l-għan u tintroduċi dispożizzjonijiet għal dan l-għan, jiġifieri l-użu esklużiv ta' żrieragħ u ta' materjal veġetattiv tal-propagazzjoni organiċi.

3.13

Jaqbel li tingħata attenzjoni speċjali lil aspetti oħra tas-suq għaż-żrieragħ organiċi. Pereżempju, ma nistgħux inneħħu d-drittijiet tal-bdiewa li jpartu ż-żrieragħ tagħhom bejniethom. Din hija kundizzjoni essenzjali għall-akkwist ta' żrieragħ 100 % organiċi. Dan l-iskambju huwa essenzjali għall-għażla li l-bdiewa jagħmlu fil-livell lokali. Din l-għażla tippermetti lill-bdiewa jiksbu varjetajiet adatti għall-kundizzjonijiet klimatiċi lokali f'reġjun speċifiku u li jkabbruhom mingħajr l-użu ta' fertilizzanti minerali jew pestiċidi, skont id-differenzi storiċi u klimatiċi u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tal-produzzjoni.

3.14

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-produzzjoni organika għall-ekotipi tal-varjetajiet u għall-għelejjel lokali li mhumiex imdaħħla fir-reġistru tal-varjetajiet. Ikun jaqbel li jissaħħaħ ir-rwol tal-bdiewa fil-produzzjoni taż-żerriegħa u t-tiftix għal varjetajiet ġodda. Wieħed mill-argumenti prinċipali li tressqu huwa n-nuqqas ta' żrieragħ organiċi, b'mod partikolari dawk tal-legumi. Fil-biedja konvenzjonali, l-enfasi ssir fuq prodotti ta' interess għas-suq dinji, jiġifieri l-użu ta' varjetajiet ibridi, fuq skala globali, u li huma proprjetà ta' kumpaniji multinazzjonali u li, kif huwa magħruf, jitkabbru b'mod konvenzjonali u ma jistgħux jintużaw fil-produzzjoni organika.

3.15

Il-logo Ewropew ġdid għall-prodotti organiċi għadu mhux biżżejjed magħruf. Il-logos organiċi nazzjonali huma importanti għall-konsumaturi u għandhom jibqgħu jintużaw. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jingħataw l-għażla li jistabbilixxu rekwiżiti iktar stretti u jwaqqfu standards nazzjonali jew privati għall-ispeċijiet ta' annimali mhux koperti mir-Regolament (ċriev, summien, ħnieżer selvaġġi) kif ukoll għall-forniment tal-ikel tal-massa.

3.16

Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa għal kontrolli aktar stretti tal-prodotti minn pajjiżi terzi sabiex tkun żgurata l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tal-UE. Il-kontroll tal-importazzjonijiet jista' jissaħħaħ fir-rigward tar-rikonoxximent ta' korpi ta' kontroll f'pajjiżi terzi, jekk tiġi applikata l-konformità, minflok l-ekwivalenza. Madankollu, ma nistgħux nidentifikaw l-impatti negattivi potenzjali kollha għas-swieq nazzjonali tal-prodotti organiċi fl-UE li jistgħu jirriżultaw jekk tiddaħħal il-konformità minflok l-ekwivalenza. Pereżempju, fl-2001, l-introduzzjoni ta' regoli ġodda għal importazzjonijiet fil-Ġappun wasslet għal tnaqqis fis-suq nazzjonali ta' prodotti organiċi. Valutazzjoni tal-impatt aktar dettaljata hija indispensabbli.

3.17

Fir-rigward tal-kummerċ u l-ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi, il-KESE jqis li għandu jkun hemm garanziji li l-prodotti maħsuba għall-esportazzjoni lejn l-UE jkunu konformi ma' rekwiżiti ta' produzzjoni li, mill-inqas, ikunu ta' livell simili għal dawk stabbiliti għall-produzzjoni organika fl-Ewropa. Il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta' ċertifikati elettroniċi għal kunsinni ta' prodotti, akkumpanjati minn bażijiet tad-data siguri, b'mod li jippermettu rispons rapidu mill-Istati Membri f'każijiet ta' ksur billi jimblukkaw prodotti mhux konformi.

3.18

Il-KESE jassumi li l-istandards organiċi tal-UE m'għandhomx jiddgħajfu, u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-produzzjoni, il-bejgħ u ċ-ċertifikazzjoni ta' prodotti organiċi mhux ser jerġgħu jinfetħu għal diskussjoni jew jinbidlu fil-kuntest tan-negozjati tat-TTIP.

3.19

Il-biedja organika hija metodu ta' produzzjoni ddefinit mill-proċess tagħha; għalhekk ma tistax tiġi karatterizzata minn prodotti lesti li jissodisfaw standard wieħed jew aktar. Huwa importanti li l-kontrolli jibqgħu ffukati fuq il-proċess.

3.20

Il-KESE jappoġġja ż-żamma tal-kontrolli annwali u jqis li dawn għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju tal-valutazzjoni tar-riskji, u jkun jaqbel li dan l-approċċ jiġi armonizzat fil-livell tal-UE. L-ispejjeż tal-kontrolli għandhom ikunu proporzjonati sabiex ma tiżdiedx in-nefqa tal-produtturi fil-biedja organika u biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom l-opportunità jakkwistaw prodotti organiċi bi prezz raġonevoli. Madankollu, ladarba l-approċċ ta' kontroll ibbażat fuq ir-riskju juri li huwa sikur u kredibbli għas-sistema ta' kontroll, l-intervall tal-kontrolli fl-irziezet jista' jkun aġġustat.

3.21

Il-KESE jappoġġja ċ-ċertifikazzjoni ta' grupp fil-każ ta' operaturi żgħar kif previst fil-proposta tal-Kummissjoni sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' spezzjoni u ċertifikazzjoni u l-piż amministrattiv assoċjat magħhom, u b'hekk jiġi żgurat li l-bdiewa fl-UE jkollhom l-istess kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni bħal operaturi ta' pajjiżi terzi. Fl-istess waqt il-KESE jinnota li dan huwa eżerċizzju kumpless u għandu jiġi implimentat gradwalment.

3.22

Il-KESE jqis li ma jkunx jaqbel li titneħħa d-dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni li tippermetti li l-bejjiegħa bl-imnut jibbenefikaw minn eżenzjonijiet minħabba li l-intrapriżi li jbiegħu prodotti organiċi ppakkjati minn qabel għandhom ikunu ċċertifikati. Dan ir-rekwiżit jaffettwa l-kummerċ ta' prodotti organiċi, inaqqas in-numru ta' postijiet minn fejn isir il-bejgħ u jnaqqas l-aċċess tal-konsumatur għal dawn il-prodotti. Minħabba dan, il-ħwienet iż-żgħar jaf ma jkunux jixtiequ jonfqu flus biex jiksbu ċertifikat li jippermettilhom jbiegħu prodotti organiċi jekk ma jkunux beħsiebhom ibigħu prodotti organiċi tal-istaġun. Il-produtturi organiċi għalhekk jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet kbar biex ibiegħu l-prodotti tagħhom.

3.23

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri fil-livell tal-UE rigward is-sorveljanza tas-suq sabiex tinġabar informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta' prodotti differenti fis-suq Ewropew u t-tendenzi tas-suq, inkluż id-disponibbiltà ta' żrieragħ organiċi fl-Istati Membri differenti.

3.24

Il-KESE jilqa' l-għan tal-Kummissjoni li tfassal pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika fl-Unjoni Ewropea u l-għanijiet tagħha filwaqt li jinnota li l-pjan huwa wisq ġenerali u mhux sħiħ. Huwa kruċjali li l-miżuri li qed tipproponi l-Kummissjoni fil-pjan ta' azzjoni jiġu definiti b'mod ċar u preċiż. Pereżempju f'ċerti oqsma l-Kummissjoni beħsiebha biss tipproponi, tagħti parir, tgħin, tqis jew tħeġġeġ filwaqt li l-bdiewa u l-pubbliku qed jistennew miżuri konkreti.

3.25

Il-KESE jqis li waħda mill-prijoritajiet tal-pjan ta' azzjoni għandha tkun ir-relazzjoni bejn il-produtturi organiċi, il-produtturi konvenzjonali u l-produtturi ta' pjanti modifikati ġenetikament bil-għan li jonqos ir-riskju ta' kontaminazzjoni mill-OĠM. L-uniku modi ta' kif nistgħu niksbu r-riżultati u niżguraw koeżistenza bejn dawn l-oqsma differenti huma komunikazzjoni interpersonali f'waqtha, diskussjoni dwar il-problemi eżistenti u riċerka għas-soluzzjonijiet. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni toħloq il-mezzi neċessarji sabiex tinforma lill-partijiet interessati u tinvolvihom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

3.26

Il-miżuri tal-pjan ta' azzjoni magħmula biex iżidu l-għarfien dwar l-istrumenti Ewropej ta' appoġġ għall-biedja organika mhux ser ikunu biżżejjed biex jagħtu spinta lill-kompetittività tal-produtturi organiċi tal-UE jew lill-volum tal-produzzjoni agrikola. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi organizzata kampanja finanzjata mill-UE li tipprovdi iktar informazzjoni dwar is-sistema tal-produzzjoni organika fl-Ewropa kollha u dwar il-logo Ewropew il-ġdid għall-prodotti organiċi.

3.27

Il-KESE jqis li l-Kummissjoni għandha tipprovdi iktar appoġġ għat-taħriġ vokazzjonali taż-żgħażagħ, it-tagħlim tul il-ħajja u l-innovazzjoni fil-qasam tal-biedja organika permezz ta' riżorsi mill-programm għall-iżvilupp rurali u programmi Ewropej oħra. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkumplementa l-leġislazzjoni u l-programmi korrispondenti billi tipprevedi l-possibbiltà li l-iskejjel, il-kulleġġi u istituzzjonijiet edukattivi oħra jiksbu għajnuna għat-taħriġ u l-innovazzjoni fil-biedja agrikola.

3.28

Barra minn hekk, il-produzzjoni organika saret wieħed mill-iżjed mezzi importanti għaż-żgħażagħ biex jidħlu fis-settur agrikolu. L-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-inklużjoni ta' abitanti urbani żgħażagħ fis-settur agrikolu permezz tal-produzzjoni organika jipprovdu opportunità importanti għas-settur biex jinbidel fi xprun għall-innovazzjoni fiż-żoni żvantaġġati.

Brussell, 16 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Morison, J., Hine, R. u Pretty, J., 2005. Survey and Analysis of Labour on Organic Farms in the UK and Republic of Ireland. International Journal of Agricultural Sustainability Volume 3 (1).

(2)  Displaced honey bees perform optimal scale-free search flights Andrew M. Reynolds, Alan D. Smith, Randolf Menzel, Uwe Greggers, Donald R. Reynolds, u Joseph R. Riley, Rothamsted Research, Harpenden, Hertfordshire AL5 2JQ United Kingdom, Freie Universität Berlin, FB Biologie/Chemie/Pharmazie, Institut für Biologie – Neurobiologie, Königin-Luise-Str. 28/30, 14195 Berlin, Germany, Natural Resources Institute, University of Greenwich, Chatham, Kent ME4 4TB United Kingdom

Ecology, 88(8), 2007, pp. 1955-1961.


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Lejn Pjan Direzzjonali għat-twettiq ta' servizzi pan-Ewropej tal-informazzjoni, l-ippjanar u l-bejgħ ta' biljetti għall-ivvjaġġar multimodali”

(SWD(2014) 194 final)

(2015/C 012/13)

Relatur:

is-Sur Simons

Nhar it-13 ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Commission Staff Working Document – Towards a roadmap for delivering EU-wide multimodal travel information, planning and ticketing services

SWD(2014) 194 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ottubru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'147 vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bħala l-ewwel pass lejn suq pan-Ewropew tal-informazzjoni, l-ippjanar u l-bejgħ ta' biljetti tal-ivvjaġġar multimodali. Fl-istess ħin jinnota li għal finijiet ta' ċarezza t-titolu għandu jispeċifika li s-suġġett jittratta t-trasport tal-persuni.

1.2

Jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni li ma toħroġx proposti leġislattivi imma l-ewwel twaqqaf qafas biex tiżgura li dan is-suq mifrux isir realtà.

1.3

Għalhekk, il-Kumitat jissuġġerixxi li titwaqqaf pjattaforma ta' diskussjoni, li tqis u tuża l-esperjenzi li diġà nsiltu mill-fora ta' diskussjoni s'issa, fejn huma rappreżentati l-partijiet kollha interessati. L-għan hu li din il-pjattaforma sservi bħala katalizzatur biex malajr kemm jista' jkun isir possibbli li tingħata informazzjoni fil-ħin reali dwar l-ippjanar tal-vjaġġ, il-vjaġġ u t-tariffi. Il-Kumitat jinsab lest jaqdi rwol f'din il-pjattaforma, b'mod partikolari biex iħares l-interess tas-soċjetà ċivili.

1.4

F'każ li l-kooperazzjoni bejn ir-rappreżentanti tal-konsumaturi, il-provvedituri ta' servizzi tat-trasport, il-gvernijiet nazzjonali u l-livell Ewropew ma tirnexxix, fil-fehma tal-Kumitat il-Kummissjoni għandha tanalizza hemmx lok li tipprevedi strumenti legali u, jekk hemm bżonn, f'liema oqsma.

1.5

Il-Kumitat jinnota bi tħassib id-diskrepanza dejjem ikbar bejn, minn naħa, il-possibbiltajiet disponibbli għall-konsumaturi biex jiksbu informazzjoni fil-ħin reali, pereżempju permezz ta' apps fuq it-telefons ċellulari, u min-naħa l-oħra, l-offerta tal-provvedituri tas-servizzi, li għadha lura. Għandha tingħata attenzjoni addizzjonali biex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-gruppi ta' vjaġġaturi vulnerabbli, bħall-persuni bi bżonnijiet speċjali. Għandha tingħata attenzjoni wkoll lid-drittijiet tal-passiġġieri, li tabilħaqq ivarjaw skont it-tip ta' trasport, id-drittijiet tal-passiġġieri fir-rigward tal-fornituri u bil-maqlub u anke r-relazzjonijiet legali li għandhom il-fornituri bejn xulxin, anke mil-lat tad-drittijiet tal-passiġġieri.

1.6

Il-problemi bil-ġbir tad-dettalji u iktar u iktar it-tqassim tal-qligħ bejn il-fornituri tas-servizzi tat-trasport huma kwistjonijiet persistenti. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi studjata sew il-possibbiltà li titwaqqaf sistema tal-ikklerjar (clearing house), bħalma hemm fil-Ġappun, b'tali mod li l-konsumatur fl-aħħar mill-aħħar ikollu jixtri biss biljett wieħed.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fit-13 ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni talbet formalment lill-Kumitat biex tagħtiha Opinjoni dwar id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, minn issa 'l quddiem imsemmija bħala d-Dokument ta' Ħidma, dwar Pjan Direzzjonali għat-twettiq ta' servizzi pan-Ewropej tal-informazzjoni, l-ippjanar u l-bejgħ ta' biljetti għall-ivvjaġġar multimodali.

2.2

Il-Kumitat bi pjaċir jinnota li ħareġ dan id-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni, għax is-suġġett tal-aċċess aħjar għaċ-ċittadini tal-UE għal sistemi ta' informazzjoni, pjanar u tariffi għall-ivvjaġġar multimodali huwa ta' importanza kbira għaċ-ċittadini tal-UE.

2.3

Matul il-konsultazzjoni pubblika li saret qabel il-pubblikazzjoni tad-Dokument ta' Ħidma ħareġ fid-dieher li hemm għadd ta' problemi kbar li jridu jiġu solvuti qabel ma jista' jkun hemm suq trasparenti għall-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali għall-passiġġieri fl-UE:

l-aċċess għad-data huwa totalment insuffiċjenti;

hemm problemi kbar fil-qasam tal-interoperabbiltà;

il-flussi tad-dettalji u l-informazzjoni mhumiex armonizzati;

it-tendenzi tal-intrapriżi b'saħħithom fis-suq li jiffokaw fuq sistemi proprjetarji.

2.4

Il-Kummissjoni tixtieq li l-Kumitat jagħtiha ideat fir-rigward tal-problemi msemmija fil-punt 2.3, biex tasal għal suq trasparenti tat-trasport multimodali tal-passiġġieri, fejn il-vjaġġatur ikollu aċċess għal informazzjoni fil-ħin reali dwar il-vjaġġi u l-ippjanar tagħhom, u jkun jista' jixtri biljett uniku onlajn għal kull vjaġġ fl-UE.

2.5

Il-Kumitat għaraf l-importanza tas-suġġett saħansitra qabel ma nħarġet il-White Paper dwar Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti (COM(2011) 144 final) fit-28 ta' Marzu 2011.

2.5.1

Fil-fatt fit-13 ta' Mejju 2009 (1) kien ħareġ Opinjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-qafas biex jiġi varat l-użu ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interfaċċi ma' modi oħra ta' trasport.

2.5.2

F'din l-Opinjoni l-Kumitat irrakkomanda li mill-iktar fis tiġi żviluppata arkitettura ta' sistemi ta' trasport intelliġenti (STI), ibbażata fuq l-użu dejjem ikbar ta' volumi enormi ta' data, li tirrikjedi l-iżvilupp ta' viżjoni fit-tul u li tqis kemm l-iżviluppi futuri tas-sistema kif ukoll il-protezzjoni tad-data personali.

2.6

Sadattant, ħames snin wara, il-Kumitat sfortunatament jinnota li s-sitwazzjoni ma nbidlitx b'mod fundamentali. Il-problema ta' nuqqas ta' aċċess jew ftit li xejn għall-informazzjoni onlajn hemm għadha, u, agħar minn hekk, id-data nnifisha mhijiex kompluta u lanqas kompatibbli. Għaldaqstant, għall-persuni responsabbli mill-pjattaformi tal-mobbiltà u, fl-aħħar mill-aħħar, anke għall-vjaġġaturi individwali, mhuwiex possibbli li jiskbu fehim b'mod immedjat u adegwat tal-ippjanar, it-tip, it-tul u l-ispejjeż tal-vjaġġ meta jkunu jridu jivvjaġġaw fl-UE billi jużaw bl-aħajr mod id-diversi mezzi ta' trasport.

3.   Kontenut tad-Dokument ta' Ħidma

3.1

Il-proposti tal-Kummissjoni bħal dawk fid-Dokument ta' Ħidma huma marbuta mal-viżjoni rappreżentata fil-White Paper dwar it-Trasport tal-2011 fejn ġie enfasizzat il-bżonn li d-diversi modi ta' trasport jiġu integrati iktar sabiex il-mobbiltà ssir iktar effiċjenti u eħfef għall-utent.

3.2

L-għan politiku tal-Kummissjoni fil-White Paper dwar it-Trasport huwa li jitwaqqaf qafas għas-servizzi tal-informazzjoni u tal-ħlas għat-trasport multimodali li jkunu bdew jaħdmu sal-2020. Ġie enfasizzat li d-disponibbiltà tal-informazzjoni hija kruċjali biex tinkiseb mobbiltà mingħajr xkiel minn bieb sa bieb.

3.3

Barra minn hekk għandhom jinħolqu prekundizzjonijiet biex jiġu promossi l-iżvilupp u l-użu ta' sistemi intelliġenti għall-għodda tal-ippjanar tal-vjaġġi interoperabbli u multimodali, is-sistemi tal-informazzjoni u r-reservazzjoni, kif ukoll is-sistemi ta' tariffi intelliġenti.

3.4

Skont id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bħalissa hemm iktar minn 100 għodda ta' ppjanar tal-vjaġġi multimodali fl-UE u l-informazzjoni disponibbli għall-vjaġġaturi xorta għadha mhijiex kompluta, bir-riżultat li dawn mhumiex f'pożizzjoni li jagħmlu għażliet abbażi ta' informazzjoni sħiħa. L-istess jgħodd għall-biljetti tal-ivvjaġġar. M'hemmx il-possibbiltà li jinxtara biljett uniku għal vjaġġ multimodali transkonfinali fl-UE.

3.5

Matul il-Kunsill tal-Ministri Informali tas-17 ta' Lulju 2012, f'Nicosia, il-ministri enfasizzaw il-bżonn li jkun hemm disponibbiltà u aċċess garantiti għal informazzjoni pan-Ewropea dwar l-ivvjaġġar multimodali u t-traffiku fil-ħin reali, inkluż il-bżonn li jiġu stabbiliti standards biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġiet mistiedna wkoll biex tanalizza x'possibbiltajiet hemm biex jittejjeb l-aċċess għad-data dwar it-trasport.

3.6

Fost l-inizjattivi li ttieħdu f'dan il-qasam insibu l-ewwel Smart Mobility Challenge (l-isfida tal-mobbiltà intelliġenti), li għandha l-għan li tħeġġeġ lill-industrija u partijiet interessati oħra jiżviluppaw ideat biex jaslu għal sistema globali tal-ippjanar tal-vjaġġi multimodali fl-Ewropa, il-ħolqien tas-Smart Ticket Alliance (l-alleanza għall-biljetti intelliġenti), biex tittejjeb l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta' biljetti elettroniċi reġjonali u dawk nazzjonali għat-trasport pubbliku u l-implimentazzjoni tal-Full Service Model (il-mudell ta' servizz sħiħ), inizjattiva tal-partijiet interessati fl-industrija ferrovjarja biex jiġi żviluppat standard għall-iskambju tad-data ferrovjarja inkluża l-mobbiltà minn bieb sa bieb.

3.7

Il-Kummissjoni tapprezza dawn l-inizjattivi, iżda dawn jindirizzaw biss problemi sekondarji. Dawn mhumiex pan-Ewropej, ma jinkludux il-modalitajiet kollha tat-trasport tal-persuni u mhumiex kompletament fil-ħin reali.

3.8

Fid-Dokument ta' Ħidma l-Kummissjoni tindika li jridu jingħelbu l-ostakli li ġejjin qabel ma jista' jkun hemm mobbiltà minn bieb sa bieb:

m'hemmx biżżejjed aċċess għad-data dwar l-ivvjaġġar u t-traffiku multimodali;

m'hemmx biżżejjed informazzjoni ta' kwalità dwar l-ivvjaġġar u t-traffiku multimodali;

hemm nuqqas ta' formati ta' data interoperabbli u nuqqas ta' protokolli dwar l-iskambju tad-data;

hemm nuqqas ta' kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati;

3.9

Fil-fehma tal-Kummissjoni dawn l-ostakli jistgħu jiġu eliminati permezz ta' approċċ integrat abbażi ta' 6 aspetti:

a)

aċċess ġust u ħieles għad-data dwar l-ivvjaġġar u t-traffiku multimodali;

b)

l-aħjar aċċessibbbiltà possibbli għal data affidabbli dwar l-ivvjaġġar u t-traffiku multimodali;

c)

formati ta' data u protokolli tal-iskambju tad-data interoperabbli u armonizzati;

d)

il-promozzjoni tal-interkonnessjoni tas-servizzi eżistenti;

e)

l-iffaċilitar ta' kooperazzjoni effiċjenti bejn il-partijiet interessati;

f)

is-sensibilizzazzjoni dwar il-vantaġġi li joffru s-servizzi tal-informazzjoni dwar il-vjaġġ, l-ippjanar u l-bejgħ ta' biljetti tal-ivvjaġġar multimodali;

3.10

Il-Kummissjoni qiegħdet dawn l-azzjonijiet ġo tabella bi skeda indikattiva u ħabbret li bħalissa qed taħdem fuq valutazzjoni tal-impatt.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa t-tneħħija tal-ostakli li jfixklu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u ċertament fir-rigward tas-suq kbir immens tat-trasport tal-passiġġieri. Għal finijiet ta' ċarezza “it-trasport tal-passiġġieri” għandu jiġi enfasizzat fit-titolu wkoll.

4.2

Ta' min jinnota li hemm kontradizzjoni f'dan il-qasam: minn naħa l-opportunitajiet għall-informazzjoni għall-vjaġġaturi qed jiżdiedu b'ritmu dejjem iktar mgħaġġel, u min-naħa l-oħra għal din ir-raġuni stess l-istrumenti bħal-leġislazzjoni, li suppost isservi lill-konsumatur qatt ma jistgħu jlaħħqu mal-iżviluppi, biex ma nsemmux il-kwistjoni ta' jekk il-provvedituri tad-data humiex ser jappoġġjaw il-leġislazzjoni.

4.3

Fil-fehma tal-Kummissjoni, is-soluzzjoni għal din il-kontradizzjoni trid tinstab f'kooperazzjoni b'saħħitha bejn il-vjaġġaturi u r-rappreżentanti tagħhom, il-provvedituri tad-diversi modalitajiet ta' trasport u l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej. Dan jista' jsir fil-forma ta' pjattaforma ta' diskussjoni permanenti fejn il-problemi jiġu diskussi flimkien, fejn naturalment għandhom jitqiesu wkoll l-esperjenzi tad-diversi fora dwar dan is-suġġett fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea. Il-Kumitat jinsab lest jaqdi rwol f'din il-pjattaforma, pereżempju bħala intermedjarju.

4.4

Madankollu, waħda mill-kundizzjonijiet biex pjattaforma bħal din tiffunzjona sew hi li l-provvedituri tas-servizzi tat-trasport ikunu lesti li jagħmlu disponibbli d-data u l-informazzjoni tagħhom, anke dwar tariffi, b'mod miftuħ u onest. M'għandux ikun hemm arranġamenti li jservu ta' xkiel u li jkunu ta' natura protezzjonista.

4.5

Fost ir-raġunijiet għall-ostakli min-naħa tal-fornituri nsibu: id-drittijiet tal-passiġġieri li jvarjaw skont it-tip ta' trasport, problemi fil-ġbir tad-data u – l-iktar – it-tqassim tal-qligħ. Waħda mis-soluzzjonijiet tista' tkun li tinħoloq tip ta' sistema tal-ikklerjar (clearing house), fejn jistgħu jsiru l-ħlasijiet bejn il-fornituri tat-trasport. Soluzzjoni simili qed titħaddem b'suċċess fil-Ġappun.

4.6

Fil-fehma tal-Kumitat l-istandardizzazzjoni tat-teknoloġija NFC (Near Field Communication) (2) u anke ta' teknoloġiji oħra eżistenti jew futuri għandha tiżgura li jistgħu jsiru vjaġġi mingħajr xkiel b'diversi tipi ta' trasport u bejn diversi pajjiżi bl-għajnuna ta' telefown ċellulari mgħammar b'waħda minn dawn it-teknoloġiji.

4.7

Fil-fatt, bħalissa qed jiġu żviluppati sistemi kombinati kważi pan-Ewropej għall-informazzjoni dwar il-vjaġġ, l-għodda tal-ippjanar u l-ipprezzar tal-vjaġġi multimodali, li fosthom insibu l-Qixxit (www.Qixxit.de) tad-DB Bahn, li diġà qed jitħaddem, jew il-proġett pilota finanzjat minn fondi tal-Unjoni tal-konsorzju xjentifiku dinji “Enhanced Wisetrip”. Dawn huma żviluppi promettenti iżda li għadhom limitati għal għodda ta' vjaġġar informattivi. Hija r-responsabbiltà tal-fornituri ta' dawn is-servizzi li javżaw lill-pubbliku dwar dawn l-opportunitajiet.

4.8

Barra minn hekk, il-Kumitat jenfasizza li jista' jaqbel mal-approċċ tal-persunal tal-Kummissjoni, li r-rwol tal-Kummissjoni jinsab l-iktar f'li tixpruna, tiffaċilita u tinnova u mhux biss fil-ħolqien ta' liġijiet ġodda.

4.9

Fl-istess ħin il-Kumitat jixtieq jenfasizza li jekk il-partijiet involuti fil-pjattaforma ma jaslux għal soluzzjonijiet ġenwini, il-Kummissjoni għandha tħejji miżuri komplementari, anke jekk ma jkunux fil-forma ta' leġislazzjoni qafas.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-Kumitat jinnota żbilanċ li qed jikber malajr bejn il-bżonn li qed jiżdied sew li l-vjaġġaturi jkollhom informazzjoni fil-ħin reali dwar il-vjaġġi, l-ippjanar u l-ipprezzar tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-offerta insuffiċjenti biex jiġi sodisfatt dan il-bżonn.

5.2

Fil-qasam tal-innovazzjonijiet teknoloġiċi, għandhom jinħolqu interfaċċi standardizzati biex is-sistemi differenti tal-informazzjoni u r-reservazzjonijiet ikunu jistgħu jikkomunikaw ma' xulxin b'mod li jirrispetta l-mudelli kummerċjali u l-approċċi għat-tqegħid fis-suq (go to market). Diġà hemm operaturi u partijiet terzi interessati li qed jaħdmu f'dan is-sens.

5.3

Il-Kumitat jindika li l-biċċa l-kbira tal-linji ferrovjarji Ewropej għandhom dettalji ta' skedi ta' kwalità tajba disponibbli. Jista' jkun hemm eċċezzjonijiet, iżda r-Regolament 454/2011 tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjonijiet telematiċi għal-servizzi tal-passiġġieri (TAP/TSI) ser jiżgura li fis-snin li ġejjin kull kumpanija ferrovjarja li għandha liċenzja twettaq l-obbligi tagħha. L-isfida hi biex din id-data tkun tista' tiġi skambjata ma' modalitajiet oħra tat-trasport filwaqt li jiġu rispettati r-regoli tas-suq.

5.4

Approċċ lejn id-data mingħajr kundizzjonijiet u li jkun miftuħ iġib miegħu r-riskju li l-klijent jispiċċa jingħata riżultati inkoerenti meta juża kanali differenti ta' informazzjoni. Il-klijent m'għandux bżonn data, iżda informazzjoni affidabbli. Huwa assolutament meħtieġ li l-operaturi bħala provvedituri ta' data jagħtu aċċess għall-informazzjoni dwar l-iskedi. B'hekk għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar l-iskedi tagħhom tkun tal-ogħla kwalità u li r-responsabbiltà għall-iżbalji tintrefa mil-livell korrett.

5.5

Fil-ħolqien ta' għodda ta' ppjanar ta' vjaġġi multimodali, l-integrazzjoni ta' diversi formati ta' data dwar il-modalitajiet differenti ta' trasport fis-sistemi tal-operaturi u provvedituri oħra tal-informazzjoni hija kompitu kumpless u bi spejjeż għoljin. L-istess jgħodd għall-kompitu biex tinħoloq konnettività tajba bejn dawn is-sistemi individwali.

5.6

Min-naħa l-oħra l-formati tad-data taw prova tal-applikazzjoni speċifika tagħhom. Huma jissodisfaw biċċa kbira mill-ħtiġiet tal-lum u bis-saħħa tal-bidliet fir-rekwiżiti tal-konsumaturi u l-kumpaniji u l-avvanz tat-teknoloġija, qed ikomplu jittejbu. Il-problemi tal-konnettività ma jiġux solvuti awtomatikament minn rekwiżit għal formati ta' data speċifiċi għall-modi kollha tat-trasport.

5.7

Anzi, bil-kontra, ir-riskju hu li l-kwalità tad-data u l-provvista tal-informazzjoni lill-klijent jonqsu għax irid jinstab l-inqas denominatur komuni. L-użu obbligatorju u ġeneralizzat ta' formati ta' data jista' jwassal biex ma jkunx vallapena u biex isir inqas sforz biex jintużaw malajr l-innovazzjonijiet teknoloġiċi.

5.8

Permezz tal-mudell tas-servizz sħiħ, is-settur ferrovjarju bħalissa qed jaħdem ma' partijiet terzi għall-iżvilupp ta' interfaċċi simili għas-suq ferrovjarju f'kuntest multimodali. L-importanti hu li jiġi rispettat il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u li l-partijiet kollha jkollhom l-istess opportunitajiet biex iressqu l-ideat tagħhom. Il-mudell tas-servizz sħiħ għandu struttura tal-IT deċentralizzata bħall-internet u b'hekk jirrispetta dan il-prinċipju; dan ifisser li l-kumpaniji tat-teknoloġija, abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet huma kapaċi joħolqu l-pjattaformi proprji, apps jew kwalunkwe innovazzjoni teknoloġika li jġib miegħu l-ġejjieni.

5.9

B'dan l-istess għan l-IATA niedet il-kapaċità l-ġdida tagħha: New Distribution Capacity (NDC). Fit-trasport pubbliku l-UITP qed jiżviluppa alleanza għal sistemi ta' biljetti intelliġenti (Smart Ticketing Alliance, STA) biex ikun jista' jsir skambju ta' informazzjoni abbażi ta' smartcard interoperabbli. Dawn l-inizjattivi juru li s-settur qed jaħdem biex iqiegħed fis-suq soluzzjonijiet li jegħlbu l-problemi tal-integrazzjoni tal-formati tad-data.

5.10

Sabiex ikun hemm biżżejjed data għall-ħolqien ta' sistema ta' ppjanar tal-ivvjaġġar u biex ikun hemm mobbiltà kontinwa, għandu jkun hemm kooperazzjoni effiċjenti bejn il-modalitajiet ta' trasport, il-muniċipalitajiet u korpi simili. Barra minn hekk, is-suq għas-sistemi tal-ippjanar tal-ivvjaġġar multimodali għadu relattivament żgħażugħ, iżda qed jagħmel avvanzi rapidi: diversi start-ups (bħal fromAtoB, GoEuro, Waymate) u kumpaniji tal-mobbiltà stabbiliti (bħal Daimler bil-Moovel, DB bil-Qixxit) diġà pproduċew sistemi bħal dawn.

5.11

Fil-fehma tal-Kumitat, il-provvedituri tas-servizzi tal-modi kollha tat-trasport m'għandhomx jibqgħu bil-mentalità ta' suq purament kummerċjali, imma għandhom jingħaqdu biex jaslu għal offerta divrenzjata onlajn ta' informazzjoni dwar vjaġġi u prezzijiet adattata għax-xewqat differenti tal-konsumaturi tas-servizzi tal-ivvjaġġar.

5.12

Il-Kumitat jilqa' bis-sħiħ l-għan tal-Kummissjoni li tasal għall-hekk imsejħa sistema ta' biljetti integrati, jiġifieri biljett uniku għall-modalitajiet kollha tat-trasport, iżda fil-kuntest ta' dan is-suq insibu l-ikbar, u probabbilment l-aħħar, ostaklu li jrid jingħeleb.

5.13

Hemm żviluppi promettenti li jridu jiġu identifikati. Pereżempju f'Ġunju 2014 is-settur ferrovjarju nieda pjattaforma multimodali, fejn ġiet integrata wkoll informazzjoni dwar it-trasport bl-ajru, flimkien ma' setturi oħra tat-trasport bħat-trasport tal-passiġġieri b'tal-linja u informazzjoni dwar kiri ta' roti; iżda b'xorti ħażina s'issa għad m'hemmx informazzjoni dwar biljetti.

5.14

Il-Kumitat jifhem li bħalissa kull konnessjoni tat-trasport hija disponibbli offlajn, iżda mhux onlajn. U hawn tinsab il-problema. L-utent tat-trasport jixtieq ikollu informazzjoni onlajn u li jkun jista' jixtri biljett uniku li jagħtih aċċess għal modi differenti tat-trasport għall-ivvjaġġar internazzjonali fl-UE.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 277, 17.11.2009, p.85

(2)  ĠU C 24, 28.1.2012, p.146.


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Era ġdida għall-avjazzjoni – Il-ftuħ tas-suq tal-avjazzjoni għall-użu ċivili ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod b'mod sigur u sostenibbli”

(COM(2014) 207 final)

(2015/C 012/14)

Relatur:

is-Sur Simons

Nhar il-15 ta' Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Era ġdida għall-avjazzjoni – Il-ftuħ tas-suq tal-avjazzjoni għall-użu ċivili ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod b'mod sigur u sostenibbli

COM(2014) 207 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ottubru 2014.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali kkontribwiet għal din il-ħidma b'Opinjoni komplementari (relatur: is-Sur Simons, korelatur: is-Sur Philippe), li ġiet adottata nhar is-16 ta' Settembru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'168 vot favur u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-Ewropa tinsab f'pożizzjoni eċċezzjonalment tajba biex tgawdi mill-vantaġġi tal-industrija li qed tiżviluppa tas-sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS – Remotely Piloted Aerial Systems), li tippromovi l-impjieg u tikkonferma r-rwol tal-Ewropa bħala ċentru ta' għarfien dwar it-teknoloġija u l-iżvilupp. Il-fondi Ewropej attwali għall-SMEs jistgħu jixprunaw iktar l-iżvilupp tal-industrija tal-RPAS.

1.2

It-termini RPAS u UAV (Unmanned Aerial Vehicle) huma konformi mar-regoli tal-ICAO (l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili). L-ICAO ma tużax it-terminu “drone”; iżda din hija kelma stabbilita fil-lingwa mitkellma. Sabiex tiġi evitata l-konfużjoni legali, anke b'rabta mar-responsabbiltà u l-assigurazzjoni, huwa rrakkomandat li fil-kuntest Ewropew kemm jista' jkun tintuża t-terminoloġija tal-ICAO.

1.3

Huwa rikonoxxut b'mod ġenerali li hemm bżonn integrazzjoni sħiħa tal-RPAS fil-forom eżistenti tal-avjazzjoni, inkluż ir-rikonoxximenti u l-identifikazzjoni ta' kull inġenju tal-ajru. F'dan il-kuntest, b'mod partikolari fl-Ewropa, dan ser jintlaqat mill-interess dejjem ikbar tal-applikazzjonijiet kummerċjali tal-RPAS ta' daqs iżgħar (<150 kg).

1.4

L-użu kummerċjali, b'mod partikolari tal-RPAS iżgħar, ser jeħtieġ bidliet addizzjonali (pereżempju responsabbiltà iktar limitata għall-partijiet terzi, l-introduzzjoni ta' kategoriji ta' piż iktar baxx ta' RPAS inqas minn 500 kg, l-adattar tal-livelli ta' riskju marbutin mal-karatteristiċi tat-titjiriet ta' RPAS żgħar ħafna eċċ.).

1.5

Waħda mill-prerekwiżiti fundamentali għall-użu tal-RPAS iż-żgħar huwa li jkun hemm regoli armonizzati għall-operaturi tal-RPAS, b'rabta mas-sigurtà u t-taħriġ, flimkien ma' regoli u dispożizzjonijiet adatti għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data, ir-responsabbiltà u l-assigurazzjoni. Għalhekk hemm bżonn standards ġodda jew iktar stretti li japplikaw kemm għall-użu privat kif ukoll dak kummerċjali, pereżempju l-identifikazzjoni tal-RPAS iżgħar, il-protezzjoni kontra l-hacking u t-teħid tal-kontroll minn partijiet terzi. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta rwol proattiv hawnhekk.

1.6

Huwa jappoġġja bis-sħiħ l-għan ta' din il-Komunikazzjoni (1), b'mod partikolari li tanalizza kif tista' tinħoloq klima eċċellenti għall-investiment fl-Unjoni Ewropea għall-attivitajiet tal-RPAS, kemm dawk industrijali kif ukoll operattivi. Huwa jenfasizza wkoll l-effetti pożittivi li jirriżultaw fuq l-impjieg dirett u indirett u ż-żieda assoċjata fil-produttività b'mod ġenerali.

1.7

Għall-futur jeħtieġ li l-Ewropa tikkoordina l-iżviluppi ċivili u militari f'dan il-qasam u, fejn possibbli, tisfrutta s-sinerġiji.

1.8

Jeħtieġ ukoll li tingħata stampa kemm jista' jkun preċiża tat-traffiku bl-ajru tal-RPAS, b'rabta mal-inġenji kollha tal-ajru li huma diġà attivi. Għaldaqstant biex dan iseħħ għandhom jiġu allokati l-għodod adatti.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-RPAS ilhom is-snin jintużaw b'mod ġenerali, kemm għal finijiet militari kif ukoll ċivili. Id-dibattitu importanti dwar l-applikazzjonijiet kummerċjali u l-integrazzjoni tagħhom fi kwistjonijiet oħra tal-avjazzjoni ċivili u l-kwistjonijiet tas-sigurtà relatati bħal-leġislazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u t-taħriġ flimkien mal-privatezza, ir-responsabbiltà u l-assigurazzjoni beda bis-serjetà ftit ilu. L-użu tagħhom jista' jwassal għal rivoluzzjoni soċjali li f'xi aspetti huma kumparabbli mal-impatt tal-internet, li għalkemm beda fid-dinja militari, ġie adattat u demokratizzat filwaqt li wettaq rivoluzzjoni f'bosta professjonijiet u ħoloq professjonijiet ġodda.

2.2

L-użu tal-RPAS, l-iktar dak f'applikazzjonijiet ċivili, kiber b'mod esponenzjali, kemm fin-numru kif ukoll fid-daqs u l-piż u l-ħafna applikazzjonijiet li l-għadd tagħhom għadu qed jikber. F'dan il-mument diġà ġew identifikati ħames swieq ewlenin: ir-rikreazzjoni, l-informazzjoni u l-midja, il-monitoraġġ u l-ispezzjoni (l-elettriku, il-pipelines, l-impjanti industrijali), ix-xjenzi tad-dinja (l-agrikoltura, l-ambjent) u s-sigurtà pubblika (tiftix u salvataġġ, it-tniġġis, il-pulizija, il-kontroll tal-folol eċċ.).

2.3

Id-disponibbiltà ta' RPAS inqas għoljin, flessibbli ħafna u inqas intrusivi ser tassumi biss parti mir-rwol tal-inġenji ppilotati u b'mod partikolari l-ħelikopters. Iżda l-biċċa l-kbira tal-użu tal-RPAS ser jiġi ġenerat mill-ħafna użijiet ġodda ta' għodod tal-ajru ferm versatili u ekonomiċi. Dan ser jiġġenera applikazzjonijiet ġodda bl-effetti diretti u indiretti assoċjati fuq ix-xogħol u l-ekonomija b'mod ġenerali, bħaż-żieda fil-produttività.

2.4

Għalhekk, il-kwistjoni m'għadhiex jekk, iżda kif u meta l-RPAS ser jiġu integrati fil-forom eżistenti tal-avjazzjoni. F'dan il-kuntest, b'mod partikolari fl-Ewropa, dan ser jintlaqat mill-interess dejjem ikbar tal-applikazzjonijiet kummerċjali tal-RPAS ta' daqs iżgħar (<150 kg).

2.5

Għalhekk għandha tingħata attenzjoni fi żmien propizju lil dawn l-elementi fl-approċċ tal-integrazzjoni tal-RPAS, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak tal-ICAO. Il-kwistjonijiet tas-sigurtà u l-privatezza, flimkien mar-regolazzjoni rilevanti armonizzata ser jaqdu rwol kruċjali fl-aċċettazzjoni mill-pubbliku tal-RPAS fl-Ewropa u lil hinn minnha.

2.6

Il-Komunikazzjoni (2) tal-Kummissjoni tagħti stampa preċiża u sħiħa tal-problemi eżistenti kif ukoll tas-sitwazzjoni attwali b'mod partikolari tal-użu tal-RPAS iżgħar fl-Ewropa u anke l-inizjattivi regolatorji li ħadet il-Kummissjoni.

3.   Kontenut tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1

Huwa stmat li sal-2050 fl-avjazzjoni ċivili ser ikun hemm ħafna tipi differenti ta' inġenji disponibbli f'bosta kategoriji. Uħud minnhom ser ikollhom ekwipaġġ abbord u oħrajn le. Għalhekk huwa importanti li jiġi stabbilit suq Ewropew għall-RPAS, magħrufa wkoll bħala “drones”. Id-drones jagħmlu parti minn kategorija usa' ta' sistemi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAS) li jistgħu jiġu pprogrammati biex itiru b'mod indipendenti. Għall-kuntrarju, l-RPAS jittajru minn bdot mill-bogħod.

3.2

Din it-teknoloġija għaddiet minn żvilupp rapidu, u issa tista' tintuża anke mhux f'kuntest militari. Għalhekk l-RPAS għandhom ikunu jistgħu jtiru fi spazju tal-ajru mhux segregat biex jagħmlu parti mill-avjazzjoni ċivili normali. S'issa, din it-teknoloġija intużat pereżempju għall-fotografija jew il-monitoraġġ ta' infrastruttura iżda fil-ġejjieni tista' tintuża wkoll għat-trasport tal-merkanzija jew tal-persuni.

3.3

Fil-Komunikazzjoni l-pożizzjoni tal-Kummissjoni ġiet iċċarata fir-rigward tal-mod kif l-RPAS jistgħu jiddaħħlu fil-qafas ta' politika fil-livell Ewropew u kif is-suq stess jista' jiġi żviluppat b'tali mod li l-interess ġenerali jibqa' protett. Ir-regolamenti u r-riċerka u l-iżvilupp ser ikomplu jibnu fuq inizjattivi ta' għadd ta' atturi, fosthom:

l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA);

l-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili;

l-Organizzazzjoni Ewropea għal Tagħmir tal-Avjazzjoni Ċivili (EUROCAE);

il-Eurocontrol;

l-Awtoritajiet Konġunti għat-Tfassil tar-Regoli dwar Sistemi mingħajr Ekwipaġġ (JARUS – Joint Authorities for Rulemaking on Unmanned Systems).

3.4

Is-sigurtà hija waħda mill-prijoritajiet tal-politika Ewropea dwar l-avjazzjoni. Il-leġislazzjoni attwali qed ixxekkel l-iżvilupp tas-suq Ewropew, peress li l-awtorizzazzjonijiet nazzjonali mhumiex eliġibbli għar-rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri, u b'hekk fl-Ewropa kollha. Il-qafas regolatorju għandu jqis il-firxa wiesgħa tal-inġenji tal-ajru u għandu jiffoka l-ewwel nett fuq it-teknoloġiji stabbiliti. Regoli iktar dettaljati jistgħu jiġu introdotti b'mod gradwali, u fl-aħħar mill-aħħar, dan għandu jwassal għall-awtorizzazzjoni ta' operazzjonijiet RPAS iktar kumplessi.

3.5

Uħud mit-teknoloġiji meħtieġa għal-integrazzjoni sigura tal-RPAS għadhom mhumiex disponibbli. Għalhekk, l-isforzi tar-riċerka u l-iżvilupp tad-diversi entitajiet għandhom jiffokaw fuq li jkomplu jiżviluppaw dawn it-teknoloġiji. Dawn jinkludu l-iktar it-teknoloġiji ta' command and control (kmand u kontroll), detect and avoid (identifikazzjoni u evitar), is-sigurtà kontra diversi tipi ta' attakki, proċeduri ta' emerġenza trasparenti u armonizzati, kapaċitajiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet biex jiġu żgurati titjiriet prevedibbli, u l-fatturi umani.

3.6

Naturalment huwa importanti wkoll li jkun hemm garanziji għas-sigurtà tal-informazzjoni li tintbagħat kemm mill-RPAS kif ukoll dik li tiġi trażmessa lilhom. Anke l-informazzjoni li d-diversi operaturi jaqsmu bejniethom biex jiżguraw it-tħaddim tajjeb tas-sistema għandha tkun tista' tiġi trasferita b'mod sigur.

3.7

L-attivitajiet tal-RPAS m'għandhomx iwasslu għal ksur tad-drittijiet fundamentali bħad-dritt għall-privatezza. Jekk l-informazzjoni trid tinġabar, għandhom jiġu rispettati r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, kif stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE fil-qasam tal-protezzjoni tad-data jew id-Deċiżjoni Qafas 2008/977. Il-ftuħ tas-suq tal-RPAS għalhekk għandu jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali.

3.8

Peress li dejjem jista' jkun hemm aċċident, għandha tingħata attenzjoni lill-arranġamenti tal-assigurazzjoni u l-kumpens. Il-Kummissjoni ser tinvestiga jekk hemmx bżonn li r-regoli attwali jiġu emendati. Hija ser tappoġġja s-suq emerġenti tal-RPAS u tistimula l-kompetittività tal-intrapriżi li huma attivi f'dan is-settur, fosthom ħafna SMEs u start-ups.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Għad li l-RPAS militari u ċivili tal-RPAS ilhom jintużaw żmien twil u s-settur kiber sew tul dawn l-aħħar snin, kien biss dan l-aħħar li beda d-dibattitu dwar ir-regoli u l-monitoraġġ internazzjonali u nazzjonali.

4.2

In-nomenklatura attwali għall-inġenji tal-ajru ċivili jew militari mingħajr ekwipaġġ tvarja: drone, inġenju tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAV), sistema tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAS), sistema ta' inġenju tal-ajru ppilotat mill-bogħod (RPAS) jew inġenju tal-ajru ppilotat mill-bogħod (RPA). Dawn id-deskrizzjonijiet mhux dejjem jagħtu stampa ċara tal-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi apparati u sistemi. Il-kelma “drone” għandha oriġini fil-qasam militari iżda kultant tintuża wkoll f'applikazzjonijiet ċivili.

4.3

It-termini RPAS u RPA huma bbażati fuq ir-regolamenti tal-ICAO (l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili) bil-għan li jkun hemm rabta mar-regolamenti eżistenti dwar l-inġenji tal-ajru b'ekwipaġġ. Il-manwal tal-RPAS tal-ICAO jirreferi għall-RPA bħala tip speċifiku ta' inġenju tal-ajru mingħajr ekwipaġġ. Kull tip ta' inġenju tal-ajru mingħajr ekwipaġġ huwa regolat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Chicago (3). L-ICAO ma tużax it-terminu “drone”. Sabiex ma jkunx hemm konfużjoni, anke b'rabta mar-responsabbiltà u l-assigurazzjoni, huwa rrakkomandat li fil-kuntest Ewropew kemm jista' jkun tintuża t-terminoloġija tal-ICAO.

4.4

Bħalma sar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, f'dan ir-rapport it-terminu UAV ser jintuża għal inġenju tal-ajru mingħajr ekwipaġġ li jaħdem b'mod awtonomu. RPAS huwa inġenju ppilotat minn parti terza mill-bogħod. Sadattant, fil-lingwa mitkellma “drones” saret kelma stabbilita. Madankollu sabiex tiġi evitata l-konfużjoni legali fil-leġislazzjoni tkun iktar loġika li tintuża t-terminoloġija formali.

4.5

Il-pjan direzzjonali (4) Ewropew għall-RPAS jiddeskrivi l-iżvilupp u l-integrazzjoni tal-RPAS ċivili fl-ispazju tal-ajru komuni fi żmien ħmistax-il sena. Il-pjan direzzjonali, b'mod speċifiku, jiddeskrivi tliet pilastri: (1) ir-riċerka u l-iżvilupp; (2) ir-regolamenti dwar is-sigurtà u l-istandardizzazzjoni teknika kif ukoll miżuri addizzjonali dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data; u (3) l-assigurazzjoni u r-responsabbiltà. Il-proposti dwar l-introduzzjoni tal-ajru uniku Ewropew bl-RPAS ċivili huma mmirati lejn l-2016 u s-snin ta' wara.

4.6

Fl-istess ħin l-ICAO bdiet bl-introduzzjoni tar-regoli tant mistennija għall-integrazzjoni tal-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAV). Fl-2011, il-Grupp ta' Studju tal-ICAO dwar l-UAS ħareġ ċirkulari (328) dwar l-UAS (sistemi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ) u ppropona emendi għall-Annessi 2, 7 u 13 tal-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-użu tal-RPAS fl-avjazzjoni ċivili internazzjonali. Fl-2014 huwa mistenni li jinħareġ manwal ġdid tal-RPAS, li ser jittratta suġġetti bħall-kundizzjonijiet għall-ħruġ taċ-ċertifikati tal-ajrunavigabbiltà, l-approvazzjoni operattiva tal-RPAS, iċ-ċertifikazzjoni tal-operaturi u l-kundizzjonijiet ġodda marbuta mal-ajrunavigabbiltà, il-manutenzjoni u l-operat.

4.7

L-ICAO beħsiebha li bejn l-2016 u l-2018 tintroduċi standards u prattiki rakkomandati (SARPs – standards and recommended practices) u proċeduri għan-navigazzjoni fl-ajru (PANs – procedures for air navigation) għall-RPAS li jikkonċernaw l-inġenji tal-ajru, l-utenti, l-għoti ta' liċenzji, is-“sense-and-avoid”, il-komunikazzjonijiet u r-regolamenti dwar il-kontroll tat-traffiku fl-ajru. Kif indika l-Grupp ta' Studju dwar l-UAS, sal-2018 l-ICAO ser tkun ippubblikat ir-regolamenti kollha dwar l-RPAS.

4.8

Id-dibattiti dwar ir-regolamenti qed isiru kemm fl-ICAO kif ukoll fil-livell Ewropew; f'dan ir-rigward, id-dibattiti fi ħdan il-JARUS – grupp ta' esperti internazzjonali li jlaqqgħu fi ħdanhom awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili u korpi reġjonali fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni – jaqdu rwol importanti. Is-sigurtà u l-miżuri kontra l-użu li jista' jiġi penalizzat ta' sistemi kemm kbar kif ukoll iżgħar għalhekk għandhom jingħataw attenzjoni partikolari.

4.9

Meta jkunu qed jiġu ttrattati kwistjonijiet relatati mal-RPAS, tkun ħaġa tajba li tingħata attenzjoni kemm lill-aspetti ġenerali tal-inġenji l-kbar tal-ajru ppilotati mill-bogħod kif ukoll lill-varjant tagħhom li qed jinfirex bl-iżjed ritmu mgħaġġel fl-Ewropa: sistemi tal-RPAS iżgħar. Apparti l-funzjonijiet iktar pubbliċi tal-infurzar tal-liġi, il-ġlieda kontra d-diżastri u l-intraċċar (tracking), l-użu kummerċjali ta' sistemi żgħar (ħafna) għall-osservazzjoni, il-fotografija, il-monitoraġġ u l-kontroll fil-livell nazzjonali kiber b'mod spettakolari. Għalhekk huwa importanti li jiġi stabbilit suq Ewropew għal dan l-użu tal-RPAS.

4.10

Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali bħall-privatezza tal-immaġnijiet u d-data għall-użu ta' inġenji tal-ajru ppilotati u l-ħelikopters diġà ġiet indirizzata; fil-każ li jikkonċernana, iż-żieda fl-iskala minħabba l-użu ta' RPAS iżgħar hija importanti b'mod partikolari biex jissaħħu u jiġu applikati r-regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali u kummerċjali u l-privatezza u r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Regoli adegwati jibqgħu kruċjali. Fl-introduzzjoni gradwali u l-proċess ta' tagħlim relatat, ir-regoli temporanji u l-“kodiċi tal-kondotta” jew il-“karta dwar il-privatezza” għall-kumpaniji huma elementi ċentrali.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Appoġġ għas-suq Ewropew

5.1.1

Il-Kumitat bi pjaċir jinnota li anke l-Kummissjoni qed tqis l-interessi kummerċjali tal-operaturi tal-RPAS iż-żgħar. L-Ewropa tinsab f'pożizzjoni eċċezzjonalment tajba biex tgawdi mill-vantaġġi ta' industrija tal-RPAS li qed tiżviluppa. Settur tal-RPAS li jkun b'saħħtu jħeġġeġ l-impjieg u jikkonferma r-rwol tal-Ewropa bħala ċentru tal-għarfien għat-teknoloġija u l-iżvilupp.

5.1.2

Il-frammentazzjoni tas-settur u ċ-ċans kbir ta' konsolidazzjoni huma biss l-intrapriżi li huma l-iktar innovattivi u dawk fl-iktar pożizzjoni finanzjarja b'saħħitha u/jew li huma appoġġjati minn kumpaniji kbar li joħorġu rebbieħa. Għalhekk huwa importanti li dawn l-intrapriżi jingħataw il-mezzi, il-viżibbiltà u l-istabbiltà regolatorja li jeħtieġu biex jiffaċċjaw l-isfidi u jisfruttaw l-opportunitajiet ta' żvilupp ta' dan is-settur. L-ewwel nett fuq il-lista ta' mezzi meħtieġa għandu jkun hemm il-kapaċitajiet għall-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp li jkunu appoġġjati permezz tal-aċċess għall-finanzi. Għal dawn l-intrapriżi, huwa importanti wkoll li jsir iktar faċli l-użu ta' strumenti legali u regolatorji. Jista' jkun utli li jiġi previst l-għoti reċiproku ta' servizzi bejn diversi atturi.

5.1.3

Sabiex jiġu sfruttati l-opportunitajiet tas-suq intern Ewropew, ir-regolaturi għandhom jindirizzaw l-isfida tal-implimentazzjoni ta' qafas ġuridiku ċar, iżda fl-istess ħin flessibbli, li jwitti t-triq għall-investiment f'teknoloġiji u applikazzjonijiet ġodda tal-RPAS bħall-printers 3-D u l-internet industrijali. F'dan il-kuntest, il-fondi Ewropej attwali għall-SMEs jistgħu jkomplu jixprunaw l-iżviluppi fl-industrija tal-RPAS. Bl-istess mod, il-programm eżistenti tal-Impriża Konġunta SESAR joffri pjattaforma eċċellenti għal iżjed fondi għar-riċerka u l-iżvilupp biex l-RPAS ikomplu jiġu integrati. Il-Programmi SESAR 2020 u Orizzont 2020 għandhom jirriflettu dan b'mod suffiċjenti.

5.1.4

Minn naħa waħda, il-fabbrikanti li attwalment qed jipproduċu kwantitajiet żgħar iridu jibdew jipproduċu kwantitajiet ikbar. Dan ifisser li jridu jibdlu l-mezzi tal-produzzjoni tagħhom. Dan it-tibdil m'għandux isir askapitu tal-kwalità għolja tal-prodotti tagħhom u għandu jsir id f'id mal-iżvilupp addizzjonali tal-approċċ kummerċjali tagħhom. Iżda, għal tipi oħra, l-innovazzjoni u l-produzzjoni personalizzata jservu ta' xprun għall-ħolqien u t-tkabbir tal-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs.

5.1.5

Il-bidliet mistennija fl-użu ċivili tad-drones ser iwasslu għal żviluppi importanti. Sabiex jiġi evitat li jintilfu l-impjiegi u biex jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' professjonijiet ġodda, irridu nantiċipaw x'se jfissru dawn l-iżviluppi għall-impjieg. L-imsieħba soċjali kollha jridu jiġu involuti mill-bidu nett. Hawnhekk għandha ssir ir-riċerka u studji esploratorji, inklużi l-possibbiltajiet għal soluzzjonijiet sostenibbli u ambjentali u anke l-ġlieda kontra t-tniġġis elettroniku. L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jantiċipaw dawn il-bidliet b'mod effiċjenti.

5.1.6

L-interessi kummerċjali tal-industrija tal-RPAS ma għandhomx ħlief jibbenefikaw minn approċċ proattiv tal-Unjoni Ewropea fin-negozjati tal-ITU dwar l-allokazzjonijiet tal-frekwenzi biex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta min-naħa ta' partijiet terzi. Din il-kwistjoni hija ta' importanza kbira fid-dawl tan-negozjati attwali dwar il-kummerċ ħieles mal-Istati Uniti.

5.2   Responsabbilità u Assigurazzjoni

5.2.1

Waħda mill-kundizzjonijiet fundamentali għall-użu tal-RPAS hija li jkun hemm regolamenti – eżistenti jew ġodda – adegwati li jistabbilixxu r-responsabbiltajiet u r-responsabbiltà ċivili tal-operaturi u l-utenti tal-RPAS. Hemm kunsens ġenerali li r-responsabbiltà tal-partijiet terzi għandha tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-inġenji tal-ajru b'ekwipaġġ.

5.2.2

It-taħriġ tal-ekwipaġġ: skont il-kundizzjonijiet tal-użu ċivili tal-RPAS, jistgħu jinħolqu riskji – kultant kbar – kemm għall-utenti kif ukoll għall-vittmi eventwali, u jista' jkun hemm ħsara sostanzjali. Sabiex ikun hemm l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-użu jeħtieġ li, flimkien mal-awtoritajiet regolatorji u l-organizzazzjonijiet professjonali tal-RPAS ċivili jew organizzazzjonijiet simili, jiġi stabbilit qafas regolatorju għat-taħriġ tal-bdoti u l-operaturi li joperaw inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod u għal-għoti tal-liċenzji. B'hekk titnaqqas l-inċertezza dwar l-aspetti tal-assigurazzjoni u r-responsabbiltà ċivili.

5.2.3

Tkun ħaġa loġika li minħabba l-livell għoli ta' awtomatizzazzjoni, l-operatur ta' RPAS partikolari jkun responsabbli direttament. Is-sistema attwali ta' responsabbiltà għall-kumpaniji tal-ajru u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru hija koperta, fost oħrajn, fir-Regolament (KE) Nru 785/2004. Dan ir-Regolament bħalissa ma jqisx l-aspetti marbutin mar-responsabbiltà u l-assigurazzjoni tal-RPAS.

5.2.4

L-użu kummerċjali, b'mod partikolari tal-RPAS iżgħar, ser jeħtieġ bidliet addizzjonali (pereżempju responsabbiltà iktar limitata għall-partijiet terzi, l-introduzzjoni ta' kategoriji ta' piż iktar baxx ta' RPAS inqas minn 500 kg, l-adattar tal-livelli ta' riskju marbutin mal-karatteristiċi tat-titjiriet ta' RPAS żgħar ħafna eċċ.).

5.2.5

Għad li teżisti assigurazzjoni għall-RPAS, peress li l-biċċa l-kbira tal-missjonijiet tal-RPAS bħalissa jsiru minn inġenji tal-ajru tal-Istat, id-domanda hija baxxa. Il-kalkolu tal-primjums ħafna drabi jkun ibbażat fuq titjiriet b'ekwipaġġ (piż inizjali). Din is-sistema trid tiġi adattata wkoll għall-RPAS iżgħar.

5.3   Privatezza

5.3.1

L-użu kummerċjali tal-RPAS iżgħar (<150 kg), li jagħmilha possibbli li jinġabru ħafna informazzjoni u materjal fotografiku, għandu jiġi akkumpanjat mill-bidu nett minn garanziji ċari għall-protezzjoni tal-ħajja privata. Fost il-miżuri rakkomandati f'dan ir-rigward nistgħu nsemmu, fost oħrajn, il-possibbiltà li l-istampi jitgħattew jew li l-kameras jintfew jew jinxtegħlu u l-protezzjoni tal-immaġnijiet u informazzjoni oħra. Hemm bżonn ċar ta' standards ġodda jew iktar stretti li japplikaw kemm għall-użu privat kif ukoll dak kummerċjali li pereżempju jagħmlu possibbli wkoll l-identifikazzjoni tal-RPAS ta' daqs iżgħar, il-protezzjoni kontra l-hacking u t-teħid tal-kontroll minn partijiet terzi.

5.3.2

Bħalissa l-analiżi tal-proposti għall-emendi tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali tinsab fi stadju avvanzat. Fost affarijiet oħra, dawn il-proposti jiċċaraw ir-responsabbiltajiet u l-obbligi tal-manifatturi u l-utenti tal-RPAS. B'mod partikolari, fir-rigward tal-kwistjoni ta' jekk dawn l-istandards għandhomx jiġu introdotti u applikati fil-livell Ewropew jew nazzjonali, it-tentattivi għal approċċ attiv tal-Kummissjoni huma ġustifikati.

5.4   Kooperazzjoni ċivili/militari

5.4.1

L-użu ċivili u militari tal-ispazju tal-ajru b'inġenji tal-ajru kemm b'ekwipaġġ kif ukoll mingħajru u l-istandards tas-sigurtà relatati ser iwasslu għal piż ikbar fuq is-servizzi tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru. Għalhekk aħna nappoġġjaw l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tieħu inizjattivi f'dan il-qasam, u aħna favur kooperazzjoni bejn l-attivitajiet ċivili u militari fejn l-applikazzjonijiet u l-innovazzjonijiet kummerċjali jistgħu jiġu testjati, billi nisfruttaw is-sinerġiji fejn possibbli. Barra minn hekk għandhom jitqiesu wkoll il-prijoritajiet regolatorji u r-relazzjoni bejn il-leġislazzjoni Ewropea u dik internazzjonali.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Era ġdida għall-avjazzjoni – Il-ftuħ tas-suq tal-avjazzjoni għall-użu ċivili ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod b'mod sigur u sostenibbli; COM(2014) 207 final tat-8 ta' April 2014.

(2)  Ibid.

(3)  Article 8 Unmanned aerial vehicles: [Artikolu 8 – inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ:]

No aircraft capable of being flown without a pilot shall be flown without a pilot over the territory of a contracting State without special authorization by that State and in accordance with the terms of such authorization. [L-ebda inġenju tal-ajru li jista' jtir mingħajr ekwipaġġ ma jista' jtir mingħajr bdot fuq żona ta' Stat firmatarju tal-Konvenzjoni mingħajr ma jkollu awtorizzazzjoni speċjali minn dak l-Istat u b'konformità mal-kundizzjonijiet relatati mat-tali awtorizzazzjoni.] Each contracting State undertakes to insure [sic] that the flight of such aircraft without a pilot in regions open to civil aircraft shall be so controlled as to obviate danger to civil aircraft. [Kull Stat firmatarju tal-Konvenzjoni huwa marbut li jiżgura li t-titjira ta' inġenju tal-ajru bħal dan mingħajr ekwipaġġ f'żoni miftuħa għall-inġenji tal-ajru ċivili tiġi kontrollata b'mod li jiġi evitat kwalunkwe periklu għall-inġenji tal-ajru ċivili.] (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Roadmap for the integration of civil Remotely-Piloted Aircraft Systems into the European Aviation System – Final report from the European RPAS Steering Group – Ġunju 2013 (mhux disponibbli bil-Malti).


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/93


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-innovazzjoni u l-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir”

(COM(2014) 254 final/2)

(2015/C 012/15)

Relatur:

is-Sur Boland

Relatur:

is-Sur Lobo Xavier

Nhar it-13 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-innovazzjoni u l-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir

COM(2014) 254 final/2.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ottubru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'143 vot favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' d-dokument tal-Kummissjoni, li jistipula li nimmassimizzaw il-potenzjal tal-impjieg mill-ibħra u l-oċeani tagħna permezz tal-innovazzjoni, b'enfasi speċifika fuq il-bijoteknoloġija tal-baħar, l-enerġija mill-oċeani u l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar.

1.2

Il-KESE huwa mħasseb min-nuqqas ta' koordinazzjoni tal-miżuri mnedija mis-settur privat u pubbliku u jinnota li hemm tensjoni simili fost l-Istati Membri. Bl-istess mod, in-nuqqas ta' data u sistemi ta' data adegwati meħtieġa għal informazzjoni preċiża dwar l-ibħra tagħna u l-potenzjal tagħhom qed tfixkel l-iżvilupp tal-innovazzjoni, minkejja l-isforzi li saru minn diversi universitajiet u istituti tal-għarfien fost l-Istati Membri. Il-KESE jemmen li l-assenza ta' soluzzjoni għal dawn il-kwistjonijiet tfisser li l-Ewropej jitilfu opportunità ta' aċċess għal impjiegi ġodda potenzjali.

1.3

Il-KESE jinnota li l-inizjattiva ewlenija Unjoni ta' Innovazzjoni hija fundamentali għall-iżvilupp tal-ekonomija blu iżda teħtieġ aktar appoġġ mill-Kummissjoni. Dan l-appoġġ jinkludi li jkun hemm l-appoġġ leġislattiv meħtieġ kif ukoll għajnuna finanzjarja fit-tul allinjati ma' aktar informazzjoni dwar il-programmi ta' innovazzjoni eżistenti.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li d-dgħufijiet identifikati mill-inizjattiva ewlenija Unjoni ta' Innovazzjoni għandhom jiġu indirizzati b'urġenza mill-Kummissjoni u l-Istati Membri individwali.

1.5

Il-KESE jirrakkomanda li, allinjat mal-approċċ xjentifiku tad-dokument, hemm ħtieġa li jiġu integrati l-istrateġiji tat-turiżmu kostali fil-proċess sabiex mhux biss tingħata spinta lill-interess tas-soċjetà ċivili fis-suġġett iżda wkoll biex ikun hemm benefiċċji minn kooperazzjoni integrata bejn iż-żewġ viżjonijiet tal-proċess.

1.6

Il-KESE jirrakkomanda li l-komunitajiet kostali u tal-gżejjer, li qed jesperjenzaw tnaqqis serju fl-industriji tradizzjonali inkluż is-sajd, għandhom jiġu inklużi bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-iżvilupp tal-ekonomija blu biex jiggarantixxu bilanċ korrett bejn ir-riċerka u l-iżvilupp u l-attivitajiet turistiċi li jistgħu joħolqu l-impjiegi u l-prosperità. B'din ir-rakkomandazzjoni, il-KESE jispeċifika li l-komunitajiet kollha affettwati mill-ekonomija blu għandhom jiġu rappreżentati fi djalogu sinifikattiv fost il-partijiet interessati kollha. Barra minn hekk, dawn il-komunitajiet, u b'mod aktar speċifiku l-gżejjer, għandhom potenzjal u kontribut ċar xi jwettqu fl-innovazzjoni fi ħdan l-ekonomija blu.

1.7

Fl-iżvilupp ta' strateġiji biex immexxu 'l quddiem l-impjiegi fl-ekonomija blu, huwa essenzjali li tkun inkluża l-innovazzjoni f'oqsma bħall-bini tal-bastimenti, l-akkwakultura, l-infrastruttura tal-portijiet u s-sajd. Minħabba li diġà hemm il-ħtieġa dejjem tikber li jkun hemm konformità ma' bżonnijiet ambjentali varji, il-KESE jirrakkomanda li l-miżuri ta' politika kollha tal-baħar formulata mill-Kummissjoni għandhom jiffokaw fuq il-potenzjal tal-impjieg li jadatta għar-rekwiżiti ambjentali ġodda.

1.8

Huwa ċar li l-kisba ta' żieda fl-impjieg permezz tal-innovazzjoni tal-ekonomija blu se tkun bil-mod ħafna taħt din il-politika. F'dan il-kuntest il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni Ewropea tfittex ftehim mill-partijiet kollha dwar skeda intelliġenti li tiffoka l-miżuri biex naslu għal twettiq malajr tal-istrateġiji kollha.

1.9

Filwaqt li jilqa' l-miżuri proposti mill-Kummissjoni, il-KESE jemmen bil-qawwa li mhumiex biżżejjed u m'hemmx impenn xieraq mill-Istati Membri. F'dan il-kuntest hemm bżonn li jsir Summit speċjali tal-UE dwar l-innovazzjoni tal-ekonomija blu qabel l-2016. Dan ikun jinvolvi l-Ministri responsabbli mill-affarijiet marittimi u responsabbiltajiet assoċjati. L-għan ikun li tingħata prijorità lill-istrateġiji ewlenin u li jkun hemm qbil dwar skedi għall-implimentazzjoni li għandhom ikunu raġonevoli għal kull Stat Membru skont il-karatteristiċi tiegħu. Barra minn hekk, fil-forum dwar l-ekonomija l-blu u x-xjenza, li għandu jsir fl-2015, il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi rappreżentata sew is-soċjetà ċivili, inklużi l-ħaddiema u l-gruppi marġinalizzati.

2.   Spjegazzjoni u sfond

2.1

Fl-2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni dwar it-tkabbir blu (1), li wriet il-potenzjal tal-impjieg għas-sostenn tal-oċeani, l-ibħra u l-kosti tagħna madwar l-Ewropa. Identifikat ukoll ir-rwol li l-enerġija mill-oċeani tista' tikkontribwixxi għal aktar opportunitajiet ta' impjieg.

2.2

Bħalissa huwa stmat li bejn 3 % u 5 % tal-PDG tal-UE jiġi mis-settur marittimu kumplessivament, li jimpjega madwar 5,6 miljun persuna u li jiġġenera EUR 495 biljun għall-ekonomija Ewropea. Madwar 90 % tal-kummerċ barrani u 43 % tal-kummerċ fl-UE jseħħ permezz ta' rotot marittimi. It-tarzni Ewropej inklużi l-industriji alleati huma responsabbli għal 10 % tal-produzzjoni globali. Joperaw madwar 1 00  000 dgħajsa madwar l-Ewropa, fil-qasam tas-sajd jew tal-akkwakultura. Barra minn hekk, reċentement, qed jiżviluppaw attivitajiet oħra, bħall-estrazzjoni tal-minerali u l-parks għall-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ. (The European Union explained: Maritime affairs and fisheries, 2014, http://europa.eu/pol/pdf/flipbook/en/fisheries_en.pdf).

2.3

Huwa mifhum ukoll li l-Istati Membri kollha u l-korpi tal-Unjoni Ewropea huma mħassbin li l-użu mhux sostenibbli tal-ibħra tagħna jhedded il-bilanċ fraġli tal-ekosistemi tal-baħar. Dan imbagħad huwa ta' sfida għall-inizjattivi tal-baħar li jfittxu li joħolqu aktar impjiegi u jikkontribwixxu għall-Istrateġija Ewropea 2020.

2.4

Il-Kummissjoni hija wkoll konxja min-nuqqasijiet identifikati mill-Inizjattiva Ewlenija tal-Unjoni ta' Innovazzjoni bħal, nuqqas ta' investiment fl-għarfien, aċċess fqir għall-finanzi, spejjeż għolja għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, progress bil-mod wisq lejn standards interoperabbli, użu mhux effettiv tal-akkwist pubbliku u duplikazzjonijiet fir-riċerka. Dgħufijiet oħra identifikati fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni Ewropea għall-2014 jinkludu: nuqqas ta' kollaborazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati fuq l-innovazzjoni u t-trasferiment fqir tar-riżultati tar-riċerka fi prodotti u servizzi u żieda fid-diskrepanza fil-ħiliet.

2.5

Id-disponibbiltà limitata tad-data, bid-dettalji dwar il-karatteristiċi ta' qiegħ il-baħar bħall-immappjar tal-ħabitats ta' qiegħ il-baħar, il-ġeoloġija ta' qiegħ il-baħar u inċertezzi oħra marbuta mal-baħar, hija ta' ostakolu għal aktar żvilupp innovattiv.

2.6

Huwa nnutat l-għadd konsiderevoli ta' inizjattivi mmexxija mill-politika tal-Kummissjoni Ewropea. Dawn jinkludu:

id-disponibbiltà ta' data mingħajr restrizzjonijiet;

l-integrazzjoni tas-sistemi tad-data;

l-adozzjoni ta’ Strateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Ibħra.

2.7

Minkejja r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd, hemm eluf ta' komunitajiet kostali li qed jonqsu. Ħafna minn dawn issa qed isibu ruħhom f'pożizzjoni li ma jistgħux jikkompetu fl-ibħra u jkollhom bżonn appoġġ konsiderevoli għat-titjib tal-flotot tas-sajd tagħhom. Hemm ukoll tnaqqis fis-servizzi anċillari bħall-bini u l-manutenzjoni tad-dgħajjes, u l-forniment ta' servizzi oħra assoċjati.

2.8

L-ibħra madwar l-Ewropa jinkludu: il-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju, l-Oċean Artiku, l-Oċean Atlantiku u l-Baħar Irlandiż, il-Baħar Baltiku, il-Baħar l-Iswed, il-Baħar Mediterran u l-Baħar tat-Tramuntana.

3.   Kontenut tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1

Nhar il-Ħamis 8 ta' Mejju, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan ta' azzjoni dwar l-“innovazzjoni fl-ekonomija blu”. L-għan ġenerali ta' din il-Komunikazzjoni huwa li twettaq il-potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir tal-oċeani u l-ibħra tagħna. Tipproponi serje ta' inizjattivi biex ikollna għarfien aħjar tal-oċeani, intejbu l-ħiliet meħtieġa biex ikunu applikati t-teknoloġiji ġodda fl-ambjent tal-baħar, u nsaħħu l-koordinazzjoni tar-riċerka tal-baħar. Ġew proposti l-miżuri li ġejjin:

it-tfassil ta' mappa diġitali tal-qigħan kollha tal-baħar tal-ilmijiet Ewropej;

il-ħolqien ta’ pjattaforma ta’ tagħrif dwar ir-riċerka tal-baħar tal-programm Orizzont 2020 kollu kif ukoll tagħrif dwar proġetti ta' riċerka tal-baħar iffinanzjati nazzjonalment, u l-qsim tar-riżultati minn proġetti lesti;

il-ħolqien ta' forum tal-ekonomija, in-negozju u x-xjenza blu, li se jinvolvi s-settur privat, xjenżati u NGOs biex jgħinu fit-tfassil ta' ekonomija blu għall-futur u jaqsmu l-ideat u r-riżultati. L-ewwel laqgħa se ssir flimkien mal-avveniment fl-okkażjoni tal-Jum Marittimu Ewropew tal-2015 f'Piraeus, il-Greċja.

l-inkoraġġiment tal-atturi fir-riċerka, in-negozju u l-edukazzjoni biex janalizzaw il-ħtiġijiet u l-ħiliet għall-forza tax-xogħol tas-settur marittimu sal-2016;

l-eżaminazzjoni tal-possibbiltà ta' atturi kbar mill-komunitajiet tar-riċerka, in-negozju u l-edukazzjoni jifformaw Komunità tal-Għarfien u l-Innovazzjoni (KIC) għall-ekonomija blu wara l-2020. Il-KICs, parti mill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) jistgħu jixprunaw l-innovazzjoni b'diversi modi, pereżempju billi jorganizzaw programmi ta' taħriġ u edukazzjoni, bit-tisħiħ tal-mogħdija mir-riċerka għas-suq u bit-twaqqif ta' proġetti ta' innovazzjoni u inkubaturi tan-negozji.

3.2

Industriji individwali li jiffurmaw l-ekonomija blu jinkludu: l-akkwakultura, it-turiżmu ta' mal-kosta, l-enerġija mill-oċeani, il-bijoteknoloġija tal-baħar u l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar.

3.3

Filwaqt li f'termini ekonomiċi, l-ekonomija l-blu tirrappreżenta s-sostenibbiltà ta' 5,4 miljun impjieg u tiġġenera valur miżjud gross ta' kważi EUR 500 biljun fis-sena, wieħed għandu jinnota li l-bijoteknoloġija tal-baħar, l-enerġija mill-oċeani u l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar għad iridu jiġu żviluppati bħala kontributuri ekonomiċi netti.

3.4

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li kull wieħed minn dawn is-setturi jista' jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-ekonomija blu bil-mod li ġej:

il-bijoteknoloġija tal-baħar toffri l-possibbiltà tal-esplorazzjoni tal-baħar biex isir sekwenzar tad-DNA bl-użu ta' teknoloġija ġdida taħt l-ilma. Il-massa kritika tal-pajjiżi kollha tal-UE involuti se tistimula swieq niċċa ta' qligħ.

l-enerġija mill-oċeani għadha settur emerġenti. Jekk jiġi ġestit tajjeb, is-settur għandu l-potenzjal li jikseb il-miri għall-enerġija rinnovabbli u għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra. Il-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku b'riżultat ta' teknoloġija ġdida ta' innovazzjoni huwa meqjus bħala realistiku, b’mod partikolari minħabba l-progress li diġà sar.

l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar għandha l-potenzjal li toħloq impjiegi bbażati fuq l-għarfien li l-kwantità ta' minerali fil-qiegħ tal-oċean hija potenzjalment kbira. B'kunsiderazzjoni xierqa għat-tħassib ambjentali, l-irkupru ta' dawn il-minerali aktarx li jimla l-vojt fis-suq jew fejn ir-riċiklaġġ ma jkunx possibbli jew adegwat, jew fejn il-piż fuq il-minjieri terrestri jkun kbir wisq. Filwaqt li għadu żgħir, dan is-settur għandu l-potenzjal li jiġġenera tkabbir u impjiegi sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.

3.5

L-ekonomija blu tibbenefika mill-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni ta' Innovazzjoni tal-UE, li għandha l-għan li toħloq ambjent favur l-innovazzjoni. Il-programm il-ġdid, Orizzont 2020, b'valur ta' EUR 79 biljun, huwa l-akbar programm ta' riċerka u innovazzjoni.

3.6

Il-dokument identifika wkoll in-nuqqasijiet tal-inizjattiva li jinkludu: nuqqas ta' investiment fl-għarfien, aċċess fqir għall-finanzi, spejjeż għolja għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, progress bil-mod wisq lejn standards interoperabbli, użu mhux effettiv tal-akkwist pubbliku u duplikazzjonijiet fir-riċerka.

3.7

Il-miżuri proposti mill-Kummissjoni jinkludu:

mill-2014 'il quddiem proċess sostenibbli li jiżgura li d-data dwar il-baħar tkun aċċessibbli faċilment, interoperabbli u mingħajr ristrizzjonijiet;

sa Jannar 2020, mappa b'riżoluzzjoni multipla tal-qigħan kollha tal-baħar tal-ilmijiet Ewropej;

sal-aħħar tal-2015 pjattaforma ta' tagħrif dwar ir-riċerka tal-baħar fil-programm Orizzont 2020 kollu kif ukoll tagħrif dwar proġetti ta' riċerka tal-baħar iffinanzjati nazzjonalment;

fl-2015 l-ewwel laqgħa tal-forum tal-ekonomija, in-negozju u x-xjenza blu;

fil-perjodu 2014-16 it-twaqqif ta' alleanza tal-ħiliet għas-settur tal-baħar.

3.8

Ta' min jinnota li d-dokument tal-Kummissjoni ma jiddefinixxix “l-ekonomija blu”. Madankollu l-KESE jinnota d-definizzjoni kif mogħtija fit-tielet rapport interim tal-UE ta' Marzu 2012 bit-titolu Scenarios and drivers for sustainable growth (Tkabbir Blu: Xenarji u xpruni għal tkabbir sostenibbli mill-oċeani, l-ibħra u x-xtut), li jgħid li t-tkabbir blu huwa definit bħala tkabbir ekonomiku u ta' impjiegi intelliġenti, sostenibbli u inklużiv mill-oċeani, l-ibħra u l-kosti. L-ekonomija marittima tikkonsisti mill-attivitajiet ekonomiċi settorjali u transsettorjali kollha relatati mal-oċeani, l-ibħra u x-xtut. Filwaqt li dawn l-attivitajiet huma ta' spiss ġeografikament speċifiċi, din id-definizzjoni tinkludi wkoll l-eqreb attivitajiet ta' appoġġ diretti u indiretti meħtieġa għall-funzjonament tas-setturi ekonomiċi marittimi. Dawn l-attivitajiet jistgħu jinstabu kullimkien, anke f'pajjiżi mdawrin bl-art. L-impjieg marittimu huwa l-impjiegi kollha (imkejla f'termini ta' impjieg full-time – FTE) li jirriżultaw mill-attivitajiet ta' hawn fuq marbuta mal-oċeani, l-ibħra u x-xtut.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-potenzjal tal-ekonomija blu fl-Ewropa jinkiseb jekk l-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha, inkluża s-soċjetà ċivili, ikunu involuti b'mod attiv fl-iżvilupp tal-politiki u s-soluzzjonijiet lokali li jindirizzaw il-bosta dgħufijiet identifikati mill-inizjattiva ewlenija “Innovazzjoni” kif ukoll dawk spjegati fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014.

4.2

L-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni ta' Innovazzjoni hija fundamentali għall-iżvilupp tal-ekonomija blu. Madankollu se jkun hemm bżonn ħafna aktar appoġġ u żvilupp biex jinkiseb il-potenzjal ekonomiku tal-ibħra.

4.3

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tal-Istati Membri jirriflettu l-prijoritajiet politiki ewlenin tat-tkabbir blu.

4.4

Ir-realtà tat-tniġġis fil-baħar, li ħafna minnu joriġina mill-art, għandha implikazzjonijiet reali għall-ekonomija blu futura sostenibbli. Bl-istess mod, jekk ma jkunux trattati immedjatament, it-tħassib ambjentali dwar l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar, il-ħtieġa għal infrastruttura aħjar tal-portijiet u t-titjib li jżid il-kwalità ambjentali tal-industrija tal-bastimenti, dawn se jillimitaw il-possibiltajiet ta' impjieg tal-ekonomija l-blu.

4.5

Il-qagħda mwiegħra tal-komunitajiet kostali li huma affettwati minn kriżi ekonomika Ewropea usa' u huma dipendenti fuq l-ekonomija blu tagħhom se teħtieġ attenzjoni partikolari f'forma ta' rabtiet akbar mal-programmi tal-UE bħall-Politika Komuni tas-Sajd.

4.6

Fl-Ewropa, il-frammentazzjoni tal-politiki u l-miżuri mmirati lejn it-titjib tal-valur ekonomiku tal-oċeani u l-ibħra tagħna, fixklet milli jinkisbu ekonomiji sostenibbli taħt il-kategoriji ekonomiċi differenti. Bl-istess mod, il-potenzjal tal-ftehimiet tal-ekonomija blu bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti u interessi globali oħrajn għandhom il-kapaċità joħolqu iżjed impjiegi.

4.7

L-ekonomija blu hija dipendenti fuq l-iżvilupp tal-industrija tal-bini tal-bastimenti, li tinkludi madwar 150 tarzna kbira fl-Ewropa, li xi 40 minnhom huma attivi fis-suq dinji għall-bastimenti kummerċjali marittimi l-kbar. Fl-Unjoni Ewropea hemm mal-120 000 persuna impjegata direttament mit-tarzni (ċivili u navali, il-bini ġdid u t-tiswija). Id-dokument tal-Kummissjoni għandu jirrifletti f'aktar dettall il-kontribut tat-tbaħħir globali għall-ekonomija blu inġenerali.

4.8

Allinjat mal-approċċ xjentifiku tad-dokument, hemm il-ħtieġa li jiġu integrati l-istrateġiji tat-turiżmu kostali biex tingħata spinta mhux biss lill-interess tas-soċjetà ċivili f'dan il-qasam, iżda wkoll biex ikun hemm benefiċċji minn kooperazzjoni integrata bejn iż-żewġ viżjonijiet tal-proċess. Fuq l-iżvilupp kollu hemm il-ħtieġa li jkun hemm adattament għar-rekwiżiti ambjentali u li jkunu identifikati l-opportunitajiet.

4.9

Id-dokument tal-Kummissjoni huwa ffukat sew fuq ir-riċerka xjentifika li hija ovvjament meħtieġa biex tinżamm ekosistema sikura, iżda għandha wkoll tkun preżenti viżjoni integrata meta titfassal il-politika. Għaldaqstant, l-effetti tal-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar għandhom jiġu stabbiliti xjentifikament u inklużi fit-tfassil kollu ta' politika. Bilanċ tajjeb bejn il-ħtieġa tal-preservazzjoni tal-ibħra u s-sostenibbiltà ekonomika tagħhom huwa kruċjali biex ikun hemm benefiċċji għar-riċerka, il-partijiet ekonomiċi interessati u s-soċjetà b’mod ġenerali.

4.10

Kwalunkwe analiżi tal-ekonomija l-blu tiddgħajjef jekk ma tingħatax biżżejjed attenzjoni lit-tnaqqis fl-ekonomija l-blu tradizzjonali bħalma huma l-komunitajiet żgħar tas-sajd, it-tbaħħir u t-turiżmu. Ta' min wieħed jinnota wkoll l-effetti tal-baġit tal-Unjoni Ewropea li qed jonqos f'dan is-settur.

4.11

M'għandhiex tiddgħajjef il-kapaċità tas-setturi tradizzjonali li jikkontribwixxi għaż-żieda fl-impjiegi. Fl-akkwakultura, l-UE għadha mhux awtosuffiċjenti biex tipprovdi għad-domanda għall-ħut. Fl-industrija tal-bini tal-bastimenti, il-potenzjal biex jiżdied l-impjieg huwa enormi wkoll. Jekk il-ħtieġa li tiġi modernizzata l-infrastruttura tal-portijiet tiġi indirizzata, din se żżid ukoll b'mod sinifikanti l-opportunitajiet tal-impjieg.

4.12

Xi strateġiji ta' innovazzjoni ta' xi Stati Membri diġà jappoġġjaw l-idea tas-sostenibbiltà u “l-oċean bħala prijorità nazzjonali”. Pereżempju, “L-istrateġija nazzjonali Portugiża għar-riċerka u l-innovazzjoni għal speċjalizzazzjoni intelliġenti 2014-2020” tittratta l-użu korrett ta' trasport marittimu ekoeffiċjenti fi spazju marittimu mingħajr fruntieri sabiex tiġi esplorata aħjar l-industrija tal-flotta navali u l-integrazzjoni tagħha fil-loġistika tal-portijiet allinjata mal-loġistika globali. Dan juri l-impenn tal-Istati Membri, u l-importanza tal-ekonomija blu għat-tmexxija tal-Ewropa.

4.13

Il-KESE jemmen li l-gżejjer fl-Ewropa għandhom rwol speċifiku x'jaqdu fl-ekonomija blu, fit-tliet oqsma kollha identifikati bħala oqsma ta' innovazzjoni għas-settur iżda b'mod aktar speċifiku fl-enerġija mill-oċeani. Għaldaqstant, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti wkoll attenzjoni speċifika lill-gżejjer fl-Ewropa fl-ambitu ta' din il-komunikazzjoni, mhux biss għall-effett partikolari li l-ekonomija l-blu se jkollha fuq dawn l-oqsma, iżda wkoll minħabba l-kontribut li dawn jistgħu jagħmlu lill-innovazzjoni.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu COM(2012) 494 final.


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/99


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (ISA2): L-interoperabbiltà bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku”

(COM/2014/0367 final – 2014/0185 (COD))

(2015/C 012/16)

Relatur uniku:

is-Sur Etherington

Nhar it-3 ta' Lulju 2014 u nhar is-17 ta' Lulju 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 172 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (ISA2) L-interoperabbiltà bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku

COM(2014) 367 final – 2014/0185 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ottubru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'151 vot favur u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Konklużjonijiet

1.1.1

Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għal programm ġdid dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, is-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini Ewropej (“ISA2”) Il-proposta hija ppreżentata tajjeb u x'aktarx tikkontribwixxi għall-Aġenda Diġitali għall-Ewropa billi tiżgura li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jkunu jistgħu jaqsmu flimkien b'mod effiċjenti u effikaċi data bbażata fuq livelli u għodod komuni.

1.1.2

Għalkemm l-amministrazzjonijiet pubbliċi huma l-punt fokali tal-ISA2, il-KESE jemmen li hemm benefiċċju potenzjali għas-soċjetà ċivili, u l-Kumitat jittama li dan il-benefiċċju jista' jitwettaq għalkollox.

1.1.3

Madankollu hemm żewġ preokkupazzjonijiet ewlenin li, jekk jiġu indirizzati, isaħħu l-ISA2.

1.1.4

L-ewwel nett, iċ-ċittadini huma dejjem aktar konxji u mħassba li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jiġbru u jużaw data personali jew data miġbura b'mod aktar mifrux. Huma konxji wkoll li interoperabbiltà akbar għandha implikazzjonijiet dwar kif id-data tiġi kondiviża u użata. Il-proposta ma ssemmix riskji jew preokkupazzjonijiet bħal dawn, la għaċ-ċittadini u lanqas għat-twassil b'suċċess tal-ISA2. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għal waħda mill-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-protezzjoni tad-data, u l-fehma tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-salvagwardji għaċ-ċittadini (1) (ara l-ittra tal- Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament dwar il-protezzjoni tad-data ġenerali: https://secure.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Comments/2014/14-02-14_letter_Council_reform_package_EN.pdf).

1.1.5

It-tieni nett, l-ISA2 jista' jkollu l-potenzjal li jfixkel is-suq attwali għas-soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà, b'mod partikolari permezz tat-tħaddim ta' attivitajiet 'fl-inkubatur'.

1.2   Rakkomandazzjonijiet

1.2.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjoni il-programm ISA2 dwar l-interoperabbiltà u jappoġġja din il-proposta.

1.2.2

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-programm jibni fuq il-programm attwali ISA u programmi oħra biex iwassal l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

1.2.3

Il-KESE jixtieq jiġi informat tal-progress li jagħmel l-ISA2.

1.2.4

Il-fiduċja pubblika u l-kunfidenza fl-amministrazzjonijiet u l-kapaċità tagħhom li jiġġestixxu data personali u jirrispettaw il-privatezza hija raġuni għat-tħassib. Il-proposta ma ssemmix il-fiduċja pubblika u l-kunfidenza bħala riskji, u ma tinnota l-ebda riskju ieħor jew żvantaġġi għall-interoperabbiltà. Għandha tikkunsidra wkoll kwalunkwe tħassib li jista' jkollu l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali f'aktar minn Stat Membru wieħed. Dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati b'mod aktar ċar fl-attivitajiet tal-programm.

1.2.5

Għandu jiġi żviluppat Sommarju konsistenti għaċ-Ċittadini li jindirizza t-tħassib dwar il-bilanċ bejn spiża u valur u jiġġustifika l-benefiċċji soċjali ddikjarati mill-programm.

1.2.6

Għandhom jiġu użati aktar każijiet ta' użu prattiku li juru l-ħtieġa prattika, mill-perspettiva taċ-ċittadini, tal-interoperabbiltà bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali.

1.2.7

Il-KESE jirrakkomanda li għandu jsir sforz partikolari biex il-ħidma mwettqa fl-ISA2 għas-soċjetà ċivili tiġi komunikata, peress li l-organizzazzjonijiet jistgħu jgawdu mill-ħidma fuq l-interoperabbiltà, jew jikkontribwixxu biex iwasslu l-programm.

1.2.8

It-tħaddim ta' attivitajiet ta' “inkubatur” u tal-“pont tas-soluzzjonijiet” għandu l-potenzjal li jfixkel is-suq. Għalhekk:

Il-Kummissjoni jista' jkollha bżonn tivverifika li dawn l-attivitajiet mhux ser ifixklu s-suq u jkollhom l-effett li jnaqqsu l-provvista kummerċjali tal-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet tal-ICT.

L-għażla ta' soluzzjonijiet ġodda, u l-għażla ta' soluzzjonijiet għal appoġġ aktar fit-tul sakemm tintlaħaq is-sostenibbiltà, għandhom jiġu pruvati b'mod rigoruż u valutati fi process li l-partijiet interessati jista' jkollhom fiduċja fih.

Jekk it-tfixkil tas-suq huwa raġuni valida għat-tħassib, l-inkubatur għandu jiffoka minflok fuq l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' 'libreriji ta' servizzi' (utility libraries) aktar milli soluzzjonijiet lesti għall-użu (turn-key solutions).

1.2.9

Ir-restrizzjoni għal skopijiet mhux kummerċjali jista' jillimita l-impatt tal-ISA2: jekk is-soċjetà ċivili ma tistax tibni fuq il-ħidma tal-ISA2 għal skopijiet kummerċjali, mhux probabbli li ser juru interess fil-programm.

1.2.10

Għal raġunijiet ta' multilingwiżmu, kull soluzzjoni tal-IT trid tkun kompatibbli mal-Universal Character Set (Unicode, ISO/IEC 10646) (UCS), kif ġie mitlub mir-rapport finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Multilingwiżmu (2007). Jekk hemm rekwiżit legali attwali jew potenzjalment futur għall-interoperabbiltà fil-livell Ewropew, irid jiġi speċifikat sottogrupp tal-UCS biex titħaffef il-ġestjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1

Spiss sar l-argument li d-data għandha l-potenzjal li tittrasforma s-servizzi taċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet li jwassluhom fis-setturi pubbliċi u privati u madwar is-soċjetà ċivili. Id-data għandha l-potenzjal li tippromovi r-riċerka u l-iżvilupp, u tkabbar il-produttività u l-innovazzjoni. Mhux ta' b'xejn il-frażi “Id-data saret ir-riżorsa naturali l-ġdida” daqstant popolari. Pereżempju ara l-artiklu: http://www.forbes.com/sites/ibm/2014/06/30/why-big-data-is-the-new-natural-resource.

2.2

Dejjem aktar data qed tinħoloq u tinġabar dwar l-aspetti kollha ta' ħajjitna: minn proċessi amministrattivi bħal forom ta' tassazzjoni elettroniċi, għall-ġbir passiv ta' data dwar is-saħħa minn arloġġ intelliġenti. L-hekk imsejħa “data kbira” bħad-data mill-utenti tas-sistemi tat-trasport pubbliku, għandha l-kapaċità li toħloq revoluzzjoni fil-mod li bih niddisinjaw u nippjanaw is-servizzi pubbliċi. Filfatt inizjattivi ta' politika jew servizzi pubbliċi dejjem aktar qed jiddependu mill-kapaċità diġitali. Eżempju attwali fir-Renju Unit huwa taxxa fuq il-vetturi: it-tpartit tal-karta tonda tat-taxxa tal-karozza jiddependi mill-interoperabbiltà (għal definizzjoni ta' interoperabbiltà ara: http://www.ariadne.ac.uk/issue24/interoperability) tal-bażijiet tad-data tal-assigurazzjoni, is-sjieda u l-MOT (verifika ta' sigurtà). Dan wassal biex l-applikazzjoni għat-taxxa tal-karozza issir eħfef għaċ-ċittadini, filwaqt li hemm rapporti li juru konformità akbar mas-sistema. Fil-qosor, aħna ngħixu f'soċjetà diġitali li fiha huwa possibbli li ntejbu b'mod sostanzjali l-kapaċità tagħna li nipprovdu servizzi konnessi b'kapaċità diġitali. L-UE għandha firxa ta' programmi u “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” aktar mifruxa li tappoġġja t-twettiq ta' ekonomija u soċjetà diġitali (ara http://ec.europa.eu/digital-agenda).

2.3

Nistgħu niksbu l-benefiċċji ta' soċjetà diġitali u b'mod aktar speċifiku l-gvern diġitali, billi d-data ssir aktar aċċessibbli faċilment, jew f'xi każijiet, aktar faċli biex tiġi użata mill-ġdid peress li dawk li jkollhom id-drittijiet jippermettu l-użu mill-ġdid mingħajr restrizzjonijiet (open data; għal definizzjoni ara http://theodi.org/guides/what-open-data). Fejn id-data tkun disponibbli, nistgħu nistabbilixxu standards għall-interoperabbiltà: jiġifieri, tkun aktar faċli li d-data tiġi skambjata u użata mill-ġdid. Dan jista' jkun sempliċi daqs li d-data tkun tista' tinqara bil-magni (flok ma tkun imsakkra f'formati ta' siedja bħall-PDF), jew jiġu identifikati formati għas-sottomissjoni u l-ġbir tad-data (bħall-iXBRL għar-rendikonti tal-kumpaniji; ara http://en.wikipedia.org/wiki/XBRL). Ta' min wieħed jinnota, għall-iskopijiet ta' dan id-dokument, li ħafna mid-data li jiġbru l-amministrazzjonijeit pubbliċi hija ta' natura personali u privata (ara d-dijagramma). Dan huwa importanti għax il-kwistjoni tad-data personali għandha implikazzjonijiet għal x'jifhem il-pubbliku b'interoperabbiltà u l-applikazzjoni tagħha.

Dijagramma 1: Data kbira, Data miftuħa, u Data personali

Image

2.4

Il-Kummissjoni ssostni li l-interoperabbiltà bejn stati nazzjonijiet hija ostaklu elettroniku partikolari biex iċ-ċittadini jużaw is-servizzi pubbliċi, bħal dawk marbutin mass-saħħa b'mod aktar effikaċi, li issa jiddependu ħafna mid-data u l-kapaċità tal-ICT. Huwa sostnut ukoll li n-nuqqas ta' interoperabbiltà huwa ostaklu għall-implimentazzjoni tal-politiki madwar l-UE. Għall-kuntrarju, l-inizjattivi ta' politika bħas-suq uniku jeħtieġu l-interoperabbiltà tar-reġistri nazzjonali tan-negozji. Fil-qosor, l-interoperabbiltà hija essenzjali għal Ewropa moderna u integrata.

3.   Programm ISA2 propost dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej

3.1

Il-Kummissjoni ilha timplimenta programm biex jiżviluppa l-interoperabbiltà mill-1995 'l hawn. Dan kien fih ukoll l-iżvilupp ta' strateġija u qafas ta' interoperabbiltà (ara http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1413531806250&uri=CELEX:52010DC0744 għal ħarsa ġenerali eċċellenti). Il-Kummissjoni tisħaq li l-appoġġ għall-interoperabbiltà kellu suċċess: “billi jiffaċilita l-interazzjoni transfruntiera u transsettorjali elettronika effiċjenti u effettiva (bejn l-amministrazzjonijiet) li tippermetti t-twettiq tas-servizzi pubbliċi elettroniċi sabiex jgħin fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tal-Unjoni” (Kwotazzjoni mid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (ISA2) (p. 3)).

3.2

Il-programm attwali, Soluzzjonijiet interoperabbli għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA) jintemm fil-31 ta' Diċembru 2015. Madankollu għad fadal ħafna xi jsir: “diġitali awtomatikament” għadha fil-bidu tagħha f'xi oqsma. Jekk il-ħtieġa għall-interoperabbiltà ma tiġix ippjanata u appoġġjata fil-punti li fih tkun qed tiġi proposta leġislazzjoni ġdida, x'aktarx l-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jiksbux il-benefiċċji tal-interoperabbiltà.

3.3

Programm ISA2 ġdid (http://ec.europa.eu/isa/isa2/index_en.htm) huwa propost li:

jittraċċa l-pajsaġġ tal-interoperabbiltà;

jippromovi u jappoġġja soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà;

jappoġġja u jippromovi l-implikazzjonijiet tal-ICT ta' leġislazzjoni ġdida sabiex titħeġġeġ l-interoperabbiltà;

jitħeġġu l-iskambju u l-użu mill-ġdid ta' data madwar is-setturi u l-konfini, b'mod partikolari fejn din tappoġġja l-interazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u bejn dawn il-korpi, iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili.

3.4

Saret konsultazzjoni wiesgħa dwar il-programm ISA2 il-ġdid. Dawk li ġew ikkonsultati wieġbu li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jibqgħu l-punt fokali tal-ISA. L-aktar rispons fil-wisa' li ntbagħat kien li l-ISA għandu jgħin biex titnaqqas id-duplikazzjoni tal-isforzi u li l-ISA għandu jiffoka fuq li jikkoordina ma' programmi oħra tal-UE.

3.5

Il-programm propost tfassal fid-dawl tal-valutazzjonijiet tal-programmi preċedenti. B'mod partikolari, l-ISA propost ser jiffoka fuq li jipprovdi soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà, imbagħad jipprovdi dawn is-soluzzjonijiet lill-amministrazzjonijiet pubbliċi.

3.6

L-ispiża proposta fuq il-programm ISA2 hija ta' EUR 131 miljun għall-perjodu 2014-2020.

3.7

Ġie diskuss li jekk l-ISA2 ma jipproċedix, tnaqqis fl-appoġġ għall-interoperabbiltà ser iwassal għal frammentazzjoni tal-istandards u s-sistemi, u duplikazzjoni tal-isforzi moħlija fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet jew sistemi ġodda. Dan x'aktarx ser iwassal għal tnaqqis fl-effiċjenza peress li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jsibuha aktar diffiċli biex jagħmlu tranżazzjonijiet ma' xulxin.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

It-teħeġġiġ u l-investiment kontinwi għall-investiment fl-interoperabbiltà huma kemm neċessarji kif ukoll mixtieqa. L-ISA2 ser ikun meħtieġ biex l-UE tipproċedi bl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, . Ser ikun meħtieġ li jiġi żgurat li l-partijiet interessati jifhmu r-rabtiet bejn il-programmi differenti sabiex jevitaw li jkun hemm konfużjoni (ara pereżempju http://ec.europa.eu/isa/documents/isa_the_difference_between_the_digital_agenda__isa__egov_action_plan_eis_eif_en.pdf li tfiehem kif l-ISA tirrelata mal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa).

4.2

Jekk l-esperjenza tar-Renju Unit hija ta' min joqgħod fuqha, hemm evidenza li l-amministraturi pubbliċi għad għandhom bżonn ta' appoġġ u assistenza sabiex jaċċedu u jużaw mill-ġdid id-data (ara http://theodi.org/blog/guest-blog-how-make-open-data-more-open-close-gaps). Dan jinkludi l-ħtieġa għal ħiliet tekniċi. L-ISA2 jista' jgħin biex jipprovdihom.

4.3

Hekk kif aktar u aktar servizzi pubbliċi jsiru “diġitali awtomatikament”, huwa importanti li tiġi massimizzata l-effiċjenza tal-infiq pubbliku fuq is-soluzzjonijiet tal-ICT. Dan għandu jiġi faċilitat billi jkun żgurat li l-provvista tagħhom hija ppjanata minn fażi bikrija biżżejjed u, fejn ikun possibbli, ikun hemm skambju u użu mill-ġdid ta' soluzzjonijiet sabiex jiġi massimizzat il-valur tal-infiq pubbliku. L-ISA2 huwa kontribut mixtieq għal dan il-għan.

4.4

Minkejja li l-attenzjoni tal-programm propost hija fuq l-amministrazzjonijiet pubbliċi, ta' min wieħed jinnota li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ukoll x'aktarx jibbenefikaw mill-attivitajiet ta' interoperabbiltà. Fil-każ tas-soċjetà ċivili, hemm attenzjoni akbar fuq il-koproduzzjoni; u uħud mill-aktar żviluppi innovattivi fis-soċjetà ċivili huma fejn il-koproduzzjoni u s-soluzzjonijiet tat-teknoloġija qed jiġu applikati f'oqsma tas-servizz pubbliku, bħalma huma l-kura tas-saħħa u l-ħarsien soċjali. X'aktarx l-Arkitettura Ewropea ta' Referenza għall-Interoperabbiltà ser tgawdi minn dan il-pajsaġġ li qed jevolvi.

4.5

Il-fiduċja pubblika u l-kunfidenza fl-amministrazzjonijiet u l-kapaċità tagħhom li jiġġestixxu data personali u jirrispettaw il-privatezza hija raġuni għat-tħassib. Il-proposta ma ssemmix il-fiduċja pubblika u l-kunfidenza bħala riskji, u ma tinnota l-ebda riskju ieħor jew żvantaġġi għall-interoperabbiltà.

5.   Kummenti speċifiċi dwar il-programm propost

5.1

Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fit-tfassil tal-ISA2 tqiesu l-fehmiet tal-partijiet interessati u t-tagħlimiet mill-programmi preċedenti. Jilqa' b'sodisfazzjoni ukoll il-fatt li l-programm jibni fuq ix-xogħol eżistenti u ma jippruvax jibda minn direzzjoni kompletament ġdida.

5.2

Jilqa' wkoll l-enfasi kemm fuq il-promozzjoni tal-interoperabbiltà kif ukoll il-provvediment ta' parir u appoġġ aktar prattiċi. Minħabba l-istorja twila ta' problemi tal-ICT fuq skala kbira fl-amministrazzjoni pubblika tar-Renju Unit, huwa partikolarment sodisfatt dwar l-attenzjoni fuq il-fażi bikrija tal-ippjanar għall-impatt tal-bidla leġislattiva fuq l-ICT .

5.3

Il-proposta tissaħħaħ jekk jiġu użati aktar każijiet ta' użu prattiku li juru l-ħtieġa prattika, mill-perspettiva taċ-ċittadini, tal-interoperabbiltà bejn in-nazzjonijiet. Fil-preżent jista' jidher mill-perspettiva tal-partijiet interessati li l-benefiċċji jakkumulaw għall-amministraturi pubbliċi interessati fl-armonizzazzjoni transkonfinali iktar milli għaċ-ċittadini li jużaw servizzi pubbliċi tipiċi. Għandu jiġi żviluppat Sommarju konsistenti għaċ-Ċittadini (is-Sommarju għaċ-Ċittadini tal-2010 jinsab hawnhekk: http://ec.europa.eu/isa/documents/isa_20101216_citizens_summary_en.pdf.) li jindirizza t-tħassib dwar il-bilanċ bejn spiża u valur u jiġġustifika l-benefiċċji soċjali ddikjarati mill-programm.

5.4

Diġà ġie rimarkat li dawk konsultati waqt l-iżvilupp tal-ISA2 wieġbu li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jibqgħu l-punt fokali tal-ISA. Il-KESE nnota bl-istess mod li s-soċjetà ċivili ser tibbenefika mill-interoperabbiltà. Jista' jkun il-każ li l-partijiet interssati fis-soċjetà ċivili ma kinux konxji biżżejjed tal-konsultazzjoni, li rriżulta ffokat fuq l-amministrazzjonijiet pubbliċi għall-ISA2. Jista' jkun il-każ li jeħtieġ attenzjoni akbar fuq il-komunikazzjoni mas-soċjetà ċivili biex l-ISA2 jagħraf l-impatt fuq l-infiq tal-programm.

5.5

Il-proposta tipproponi li l-ISA2 għandu jiżviluppa u jibni (“inkubatur” tas-) soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà. Din tgħid ukoll li l-ISA2 għandu jkun “pont għas-soluzzjonijiet” sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tas-soluzzjonijiet tal-ICT. L-għażla ta' soluzzjonijiet ġodda, u l-għażla ta' soluzzjonijiet għal appoġġ aktar fit-tul sakemm tintlaħaq is-sostenibbiltà, għandhom jiġu pruvati b'mod rigoruż u valutati fi process li l-partijiet interessati jista' jkollhom fiduċja fih.

5.6

It-tħaddim ta' attivitajiet ta' “inkubatur” u tal-“pont tas-soluzzjonijiet” għandu l-potenzjal li jfixkel is-suq. Il-Kummissjoni jista' jkollha bżonn tivverifika li dawn l-attivitajiet mhux ser ifixklu s-suq u jkollhom l-effett li jnaqqsu l-provvista kummerċjali tal-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet tal-ICT.

5.7

Jekk it-tfixkil tas-suq huwa raġuni valida għat-tħassib, l-inkubatur għandu jiffoka minflok fuq l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' 'libreriji ta' servizzi' (utility libraries) aktar milli soluzzjonijiet lesti għall-użu (turn-key solutions). Dan se jnaqqas it-tgħawwiġ tas-suq filwaqt li jiffaċilità it-tixrid tal-istandards.

5.8

L-Artikolu 13 jgħid li s-soluzzjonijiet stabbiliti u operati mill-Programm ISA2 jistgħu jintużaw minn inizjattivi mhux tal-Unjoni, għal finijiet mhux kummerċjali. Ir-restrizzjoni għal skopijiet mhux kummerċjali tista' tillimita l-impatt tal-ISA2: jekk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ma jistgħux jibnu fuq il-ħidma tal-ISA2 għal skopijiet kummerċjali, mhux probabbli li ser juru interess fil-programm.

5.9

Ir-reazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-kapaċità diġitali tal-istat tippreżenta riskju għas-suċċess tal-proposti ta' interoperabbiltà. Hekk kif iċ-ċittadini tgħallmu aktar dwar il-kamp ta' applikazzjoni, in-natura u l-poter tal-“istat ta' sorveljanza”, saru wkoll aktar imħassbin dwar is-salvagwardji meħtieġa li għandhom ikunu implimentati (ara https://www.privacyinternational.org/blog/defining-the-surveillance-state). Iċ-ċittadini qed isiru dejjem aktar imħassbin dwar id-dritt tagħhom għall-privatezza u l-implikazzjonijiet etiċi ta' data konnessa u skambjata, iżda din il-proposta prattikament ma tgħid xejn dwar x'jifhem il-pubbliku b'data jew interoperabbiltà konnessa. Bl-istess mod, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jinsab imħasseb dwar l-ipproċessar tad-data personali f'aktar minn Stat Membru wieħed, attività li x'aktarx titħaffef permezz tal-interoperabbiltà. Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni wkoll għal waħda mill-Opinjonijiet preċendenti tiegħu b'rabta mal-protezzjoni tad-data u jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-salvagwardji għaċ-ċittadini b'rabta mad-data personali tagħhom (2) (ara l-ittra tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament dwar il-protezzjoni tad-data ġenerali:

https://secure.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Comments/2014/14-02-14_letter_Council_reform_package_EN.pdf).

5.10

Il-proposta tissaħħaħ jekk issemmi u tindirizza dan it-tħassib. Barra minn hekk, it-tfassil tal-programm jista' jissaħħaħ billi jissemma b'mod aktar espliċitu x-xogħol mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-akkademja sabiex nifhmu u jiġi indirizzat il-fehim pubbliku u biex jissaħħu s-salvagwardji etiċi li qed isiru dejjem aktar importanti għar-reputazzjoni u l-fiduċja tal-pubbliku fl-amministrazzjonijiet pubbliċi.

5.11

L-aħħar kumment fid-dettall huwa ta' natura teknika. Il-Universal Character Set huwa kruċjali biex il-multilingwiżmu jkun applikabbli għal-lingwi miktuba. Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Multilingwiżmu, li twaqqaf mill-Kummissarju għall-Edukazzjoni tal-UE Ján Figeľ fil-ħarifa tal-2006, ippubblika r-rapport finali tiegħu fil-Jum Ewropew tal-Lingwi 2007 (ara http://www.lt-innovate.eu/resources/document/ec-high-level-group-multilingualism-final-report-2007). Dan jinkludi r-rakkomandazzjoni li l-bażijiet tad-data għall-ġestjoni interna tad-dokumenti u l-interfaċji ta' applikazzjoni ta' softwer u tagħmir ta' ħardwer jinbnew madwar Unicode, li jippermetti r-rappreżentazzjoni tal-alfabetti tal-lingwi kollha. Il-Grupp jappella lil dawk l-awtoritajiet fl-Istati Membri u l-fornituri tal-webmail li għadhom ma għamlux dan biex jaqilbu għall-Unicode sabiex jiġi evitat li tibqa' d-diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini tal-UE fuq il-bażi ta' nazzjonalità jew lingwa. Ser jiġi speċifikat sottogrupp ta' UCS għall-iffaċilitar tal-ġestjoni: dan jista' jkun selezzjoni mill-ittri Latini, jew ittri Latini, Griegi u Ċirilliċi (il-UCS jerfa' aktar minn 90  000 ittra).

5.12

Għal raġunijiet ta' multilingwiżmu, kull soluzzjoni tal-IT trid tkun kompatibbli mal-Universal Character Set (Unicode, ISO/IEC 10646), kif ġie mitlub mir-rapport finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Multilingwiżmu (2007). Għaldaqstant, jekk hemm rekwiżit legali attwali jew potenzjalment futuri għall-interoperabbiltà fil-livell Ewropew, huwa rakkomandat li jrid jiġi speċifikat sottogrupp tal-UCS biex titħaffef il-ġestjoni.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90-97

(2)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90-97


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/105


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”

(COM(2014) 130 final)

(2015/C 012/17)

Relatur:

is-Sur Palmieri

Nhar is-16 ta' Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv

COM(2014) 130 final.

Is-sottokumitat Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020, inkarigat sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adotta l-Opinjoni tiegħu nhar il-5 ta' Settembru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'168 vot favur, 7 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

Erba' snin mill-introduzzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 (UE 2020), il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat komunikazzjoni intitolata “Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” u nediet konsultazzjoni pubblika (1) għar-reviżjoni ta' nofs it-term tagħha.

1.2

Din l-Opinjoni, tweġiba formali għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tifforma wkoll parti mill-valutazzjoni integrata tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) li tindirizza t-talba għal opinjoni esploratorja dwar il-valutazzjoni ta' nofs it-term li jmiss tal-istrateġija Ewropa 2020 mressqa mill-Presidenza Taljana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

1.3

Il-KESE qed iħejji valutazzjoni ta' nofs it-term komprensiva tal-istrateġija Ewropa 2020, u din se tkun tinkludi d-dokumenti li ġejjin:

rbracetop; rapport tal-proġett bil-għan li jistħarreġ aktar fil-fond l-aspetti kunċettwali ta' governanza tal-Ewropa 2020;

rbracetop; din l-opinjoni SC/039;

rbracetop; kontributi mis-sezzjonijiet u mis-CCMI, mill-Osservatorji u mill-Kumitat ta' Kuntatt mal-organizzazzjonijiet u n-netwerks Ewropej tas-soċjetà ċivili;

rbracetop; kontributi mill-KES nazzjonali u organizzazzjonijiet simili;

rbracetop; il-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-istudju kkummisjonat mill-Kumitat ta' Tmexxija tal-Ewropa 2020 tal-KESE u mħejji minn Bellagamba, A.,: "Priorities, challenges and prospects for civil society: involvement in the Europe 2020 strategy beyond 2015 – Case study of four Member States (BE – FR – IT – NL).

1.4

Il-pakkett ta' dokumenti li se jkun jinkludi l-valutazzjoni ta' nofs it-term tal-istrateġija, imħejjija mill-KESE, se jiġi ppreżentat f'konferenza ta' livell għoli organizzata fi ħdan il-qafas ta' attivitajiet tal-Presidenza Taljana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, dwar is-suġġett tal-Lejn Ewropa 2020 aktar effikaċi: il-proposti tas-soċjetà ċivili għal inklużjoni soċjali u kompetittività imtejba fl-Ewropa. Il-konferenza se ssir f'Ruma fl-4 u l-5 ta' Diċembru 2014.

1.5

Sabiex jiġu ppreżentati l-proposti għal riforma tal-istrateġija Ewropa 2020, imfassla mid-diversi korpi interni tal-KESE (2) u diskussi waqt il-laqgħat ta' “gruppi ta' ħidma”, b'mod sħiħ, “ir-rakkomandazzjonijiet” iddaħħlu fil-paragrafu 4: “Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE sabiex jiġi żgurat proċess ġenwin ta' riforma tal-istrateġija Ewropa 2020”.

2.   L-istrateġija Ewropa 2020 fl-ewwel erba' snin tagħha: l-effetti tal-kriżi fit-tul

2.1

L-istrateġija Ewropa 2020 tirriżulta mill-intenzjoni, li għandha tiġi mfaħħra, li jiġi żgurat ir-rilanċ tal-kompetittività u l-impjiegi fl-UE – li jiġu miġġielda l-problemi strutturali – filwaqt li tiġi żgurata l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għaċ-ċittadini tagħha. Kien f'dan il-kuntest, diġà diffiċli minnu, li nibtet kriżi mill-aktar severa fl-intensità u t-tul tagħha (fl-aħħar tmenin sena) li affettwat serjament il-proċess tal-istrateġija nnifisha.

2.1.1

Il-kriżi kompliet taggrava d-differenzi ekonomiċi u soċjali fl-UE li diġa kienu ċari, u b'hekk setgħu jinħassu d-differenzi f'termini ta' kompetittività u koeżjoni soċjali, u ħraxet it-tendenza favur il-polarizzazzjoni tat-tkabbir u l-iżvilupp, b'restrizzjonijiet ċari f'termini ta' ridistribuzzjoni ġusta tad-dħul, il-ġid u l-benessri, bejn l-Istati Membri u, fi ħdanhom, fost ir-reġjuni Ewropej (3).

2.2

Mill-analiżi tal-evoluzzjoni u l-konsegwenzi tal-kriżi – li jirriżultaw mill-qari tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-appendiċi tagħha (4) – joħroġ kif din affettwat b'mod negattiv l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 fl-effikaċja, l-adegwatezza u l-leġittimità tal-mudell ta' governanza tagħha u l-għanijiet tagħha.

2.3

Peress li l-istruttura tal-governanza ekonomika tal-UE hija orjentata ferm lejn il-politiki ta' awsterità, id-dixxiplina fiskali ħadet prijorità fuq il-kisba tal-għanijiet għal perjodu medju sa dak twil tal-istrateġija Ewropa 2020.

2.3.1

Filwaqt li l-KESE jikkunsidra li hija meħtieġa azzjoni biex jissaħħu l-politiki mmirati lejn il-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi ta’ xi Stati Membri, min-naħa l-oħra, il-fatti juru li l-politiki ta' awsterità jistgħu joħolqu l-effetti mixtieqa jekk jiġu implimentati f'fażi ta' “tkabbir” ekonomiku, filwaqt li jekk jiġu applikati “awtomatikament” matul perjodu ta' staġnar u anke riċessjoni ekonomika, bħal dak li qed jgħaddu minnu bħalissa bosta mill-Istati Membri, iħallu effetti negattivi fuq it-tkabbir. Prova ta' dan tidher f'ħafna Stati Membri fejn dawn il-politiki ma tawx ir-riżultati mistennija f'termini ta' konsolidazzjoni fiskali (5) jew saħansitra ittardjaw l-irkupru ekonomiku u aggravaw is-sitwazzjonijiet diġà preokkupanti tad-diżintegrazzjoni soċjali.

2.4

Il-ġestjoni tal-kriżi permezz ta' governanza ekonomika tal-UE affettwat ħażin il-progress biex jintlaħqu l-objettivi għat-terminu medju u twil tal-istrateġija. B'dan il-mod, f'xi Stati Membri tal-UE, inħolqu nuqqasijiet li f'xi każi jservu ta' tfixkil u limiti strutturali għall-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali tal-Unjoni.

2.5

Illum, għalkemm hemm riżultati inkoraġġanti miksuba fil-qasam: a) tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-enerġija sostenibbli; b) tal-edukazzjoni u l-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-iskola; jidhru sinjali qawwija li jħassbu fir-rigward tan-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp, is-suq tax-xogħol, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

2.5.1

Fir-rigward tan-nefqa għar-riċerka u l-innovazzjoni, jidher li l-kriżi żiedet id-distakk bejn l-Istati Membri tal-UE; l-Istati Membri li jinsabu taħt pressjoni għolja għall-konsolidazzjoni fiskali (li ħafna drabi huma dawk li jinsabu lura fl-innovazzjoni) naqqsu b'mod sinifikanti n-nefqa pubblika tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni (6). Fl-UE, in-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp għadha kważi punt perċentwali wieħed taħt il-mira ta' 3,0 % u fit-tbassir għall-2020 jidher li se tkun 2,2 %, bl-effett negattiv tal-livell baxx ta' investiment privat u għanijiet inqas ambizzjużi mill-Istati Membri.

2.5.2

Fir-rigward tas-suq tax-xogħol, f'sitwazzjoni ta' rata tal-impjieg staġnata f'dawn l-aħħar snin – li għadha taħt il-mira stabbilita fl-istrateġija Ewropa 2020 (68,4 % fl-2013: 74,2 % għall-irġiel u 62,5 % għan-nisa) qed joħorġu sinjali partikolarment inkwetanti:

26,2 miljun persuna qiegħda;

9,3 miljun ħaddiem skoraġġuti lesti li jaħdmu imma li waqfu jfittxu x-xogħol;

12,0-il miljun persuna li ilhom qiegħda għal aktar minn sena;

mill-2008 (l-ewwel sena tal-kriżi) fl-Unjoni Ewropea ntilfu 6 miljun post tax-xogħol (b'dak kollu li dan jimplika f'termini ta' telf tal-kapaċità u tal-ħiliet professjonali);

5,5 miljun żagħżugħ (taħt il-25 sena) bla xogħol.

Din is-sitwazzjoni diġà hija fiha nnifisha partikolarment inkwetanti u, għal ċerti Stati Membri tal-UE, hemm it-tendenza li tiddeterjora fil-każ taż-żgħażagħ, dawk li ġew esklużi mis-suq tax-xogħol f'età avvanzata u n-nisa.

2.5.3

Il-persuni li jinsabu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali żdiedu minn 114 miljun fl-2009 għal 124 miljun fl-2012. Xejra li tista' tkompli tmur għall-agħar minħabba l-effetti li jirriżultaw aktar tard fil-kriżi. Il-mira tal-UE li tnaqqas in-numru ta' persuni fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali għal 96,4 miljun – sal-2020 – jidher li diffiċli tintlaħaq minħabba li fl-2012 diġà kien hemm 28 miljun aktar mill-mira stabbilita.

2.5.4

Il-fatt li jaggrava s-sitwazzjoni diġà serja huwa ż-żieda fin-numru ta' persuni li jgħixu fi stat ta' privazzjoni materjali u l-persentaġġ ta' persuni ta' età li jaħdmu li jgħixu f'familji fejn ħadd ma jaħdem.

2.5.5

Il-kriżi żiedet id-disparitajiet li diġà kienu konsiderevoli fost l-Istati Membri, u b'hekk ħarġu differenzi sinifikanti f'termini ta' kompetittività u koeżjoni soċjali. Dawn id-differenzi juru biċ-ċar il-ħtieġa ta' proposti għal riforma li tiżgura li l-miżuri jkunu effettivi kemm jista' jkun fejn il-problemi huma l-aktar serji.

2.5.6

Dawn il-fiċ-ċifri kollha juru biċ-ċar l-importanza li ssir enfasi fuq l-investimenti għat-tkabbir biex jappoġġjaw il-kompetittività u l-kundizzjonijiet għall-kumpaniji, partikolarment l-SMEs, sabiex jinżammu u jinħolqu l-impjiegi.

3.   Analiżi tal-elementi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020: il-governanza, l-għanijiet, il-parteċipazzjoni u l-implimentazzjoni.

3.1

L-analiżi tar-riżultati miksuba s'issa, turi strateġija li fil-biċċa l-kbira ma dehrietx li kienet biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet li għaliha ġiet stabbilita. Wasal iż-żmien li ngħaddu għal proċess ta' riforma tal-istrateġija Ewropa 2020 biex tkun aktar effiċjenti u effettiva, b'hekk jitneħħa l-periklu li din tista' tfalli, kif ġara fil-każ tal-istrateġija preċedenti ta' Lisbona. Huwa importanti ħafna li ssir enfasi fuq għadd ta' objettivi, sabiex tiġi żgurata koerenza bejniethom u tiġi ggarantita l-implimentazzjoni tagħhom.

3.2

In-nuqqasijiet ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 jidhru fl-oqsma tal-governanza, l-għanijet stabbiliti, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-implimentazzjoni tagħha.

3.3

Is-sistema ta' governanza tal-istrateġija Ewropa 2020 hija dgħajfa u mhix tant effettiva biex torbot lill-Istati Membri biex jirrispettaw l-impenji tagħhom biex jintlaħqu l-għanijiet (u l-inizjattivi ewlenin) stipulati fl-istrateġija.

3.3.1

L-istruttura ta' governanza tal-istrateġija ifformalizzat distorsjoni strutturali fejn l-aspetti ekonomiċi jieħdu preċedenza fuq il-governanza soċjali u ambjentali, u b'hekk l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 ġew subordinati għall-prijoritajiet makro-ekonomiċi tas-semestru Ewropew, u dan kien ta' theddida għall-kisba tal-għanijiet rigward il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali tal-UE u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali.

3.3.2

Hafna drabi, fis-Semestru Ewropew, li jibda bl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (AGS) u jieqaf bit-tfassil ta' “rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż”, ġew stabbiliti prijoritajiet li ma jagħtux appoġġ effettiv biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Barra minn hekk, “ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż” ma jiġux rispettati mill-Istati Membri fit-tfassil tal-istrateġiji nazzjonali annwali tagħhom (Programmi Nazzjonali ta' Riforma) u fid-deċiżjonijiet rilevanti dwar: il-baġit, ir-riformi strutturali, il-politiki tal-impjieg u l-politiki soċjali (7).

3.4

Fit-tfassil tal-istrateġija Ewropa 2020, l-iffissar tal-għanijiet u l-indikaturi relatati proposti, minbarra li mhumiex vinkolanti, ma għaddewx minn proċess ta' kunsens wiesa' fost iċ-ċittadini tal-UE. Sal-lum, ħlief għall-miri dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u dwar l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli (li għandhom qafas legali vinkolanti) kull pajjiż seta' jistabbilixxi l-objettivi tiegħu b'riżultati ta' spiss ftit li xejn ambizzjużi.

3.4.1

Il-kejl kwantitattiv tal-għanijiet mhux appoġġjat b'valutazzjoni kwalitattiva: l-intelliġenza ta' sistema soċjo-ekonomika ma tistax titkejjel biss abbażi ta' indikaturi kwantitattivi bħal: nefqa għar-riċerka jew l-għadd ta' impjiegi ġodda maħluqa; iżda għandha tikkunsidra wkoll indikaturi kwalitattivi bħal: tipi ta' innovazzjonijiet introdotti fis-“suq”, u l-kwalità tal-impjiegi li nħolqu.

3.5

L-istrateġija Ewropa 2020 ma tinvolvix biżżejjed lis-soċjetà ċivili organizzata, la fil-livell nazzjonali u lanqas f'dak Ewropew. Ir-raġunijiet għal dan huma kif ġej:

in-nuqqas ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni u tixrid ta' informazzjoni dwar l-istrateġija Ewropa 2020 li wassal biex ikunu familjari magħha u involuti fiha primarjament l-esperti fil-qasam;

in-nuqqas ta' ħeġġa ta' xi Stati Membri biex jinvolvu lis-soċjetà ċivili organizzata fil-proċess ta' programmazzjoni tal-miżuri tal-istrateġija Ewropa 2020;

in-nuqqas ta' rabta vera bejn l-azzjoni tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew u dik fil-livell nazzjonali u lokali;

il-miżuri meħuda biex jindirizzaw l-effetti tal-kriżi (inkluż l-iskeda tas-“semestru Ewropew”) jikkoinċidu mal-inizjattivi tal-istrateġija Ewropa 2020, u dan jagħmilha aktar diffiċli biex l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw lis-soċjetà ċivili jifhmu l-proċess tal-iżvilupp ta' strateġija u jipparteċipaw fih;

in-nuqqas ta' disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji limitati ma jippermettix l-involviment strutturat tas-soċjetà ċivili organizzata;

parteċipazzjoni inadegwata tal-imsieħba soċjali fil-proċess ta' konsultazzjoni fil-qafas tas-Semestru Ewropew f'xi pajjiżi.

3.6

Minkejja l-proċeduri maqbula fil-livell tal-Kunsill Ewropew, l-għadd kbir ta' programmi ta' kooperazzjoni attivi fi ħdan l-UE u l-għarfien li l-isfidi u l-objettivi definiti fl-Ewropa 2020 ma jistgħux jiġu indirizzati b'mod effettiv biss permezz ta' miżuri tas-sistemi nazzjonali individwali, l-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020 sofriet nuqqas ta' kooperazzjoni effettiva u ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri.

3.7

L-inizjattivi ewlenin setgħu taw kontribut deċiżiv fil-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali u Ewropej biex jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, sabiex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi permezz ta' użu aktar effiċjenti tal-effett ta' lieva tal-iżvilupp u l-opportunitajiet mill-Fondi Strutturali (8), il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (9) u programmi taħt ġestjoni diretta. L-inizjattivi ewlenin għandhom ikunu iktar ġestibbli u intelliġibbli, b'iktar interazzjonijiet u mingħajr duplikazzjoni.

IL-KONKLUŻJONIJIET U R-RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-KESE BIEX JIĠI ŻGURAT LI JKUN HEMM PROĊESS TA' RIFORMA TAL-ISTRATEĠIJA EWROPA 2020.

4.   Lejn qafas kunċettwali ġdid tal-istrateġija Ewropa 2020

4.1

L-UE trid tiffaċċja sfida doppja: minn naħa waħda għandha toħroġ malajr kemm jista' jkun mill-kriżi li l-effetti tagħha kienu ta' tfixkil għas-sistema ekonomika u soċjali tagħha; min-naħa l-oħra jeħtieġ li ssaħħaħ il-mudell ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv skont l-istrateġija Ewropa 2020 sabiex tkun tista' tindirizza n-nuqqas ta' kompetittività strutturali tas-sistema Ewropea.

4.1.1

Huwa f'dan il-kuntest li l-KESE jemmen li jeħtieġ jiġi promoss mudell ta' żvilupp li permezz tiegħu l-Istati Membri tal-UE, waqt li jkomplu jsegwu riformi strutturali maħsuba għall-konsolidazzjoni u l-affidabbiltà tal-finanzi nazzjonali, fl-istess ħin jirnexxielhom ikomplu jimplimentaw il-politiki: sabiex jippromovu l-kompetittività Ewropea u tal-atturi prinċipali tagħha (ħaddiema, intrapriżi privati u intrapriżi soċjali); jiffavorixxu t-tkabbir kwantitattiv u kwalitattiv tal-investimenti Ewropej (tanġibbli, intanġibbli u soċjali); joħolqu aktar postijiet tax-xogħol u postijiet aħjar; barra milli jappoġġaw il-koeżjoni soċjali u territorjali, billi jiġġieldu d-diffikultajiet marbutin mal-livell għoli ta' qgħad u ż-żieda fil-livelli ta' faqar u esklużjoni soċjali (10).

4.1.2

Huwa f'dan il-kuntest li jeħtieġ li l-Unjoni ekonomika u monetarja ssir fattur ta' stabbiltà u tkabbir aktar robust u reżiljenti, tissaħħaħ l-attrattività ġenerali tal-Unjoni Ewropea bħala post għall-produzzjoni u l-investiment, jiġi sfruttat għal kollox il-potenzjal tas-suq uniku fl-aspetti kollha tiegħu, isiru investiment u tħejjija tal-ekonomija Ewropea għall-ġejjini, titħeġġeġ klima favur l-intraprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi, tiġi appoġġjata s-sostenibbiltà ambjentali u jingħata appoġġ lis-sistema ta' għajnuna soċjali fil-ġlieda kontra l-bidliet u l-problemi soċjali.

4.2

Il-KESE jikkunsidra li l-proposta għal riforma radikali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija UE 2020 teħtieġ reviżjoni profonda tal-kunċetti u fatturi ewlenin tal-istrateġija implimentata erba' snin ilu dwar: l-istess kunċett ta' żvilupp tal-istrateġija nnifisha; l-identifikazzjoni tal-għanijiet, tal-politiki biex dawn jintlaħqu, u tal-monitoraġġ u valutazzjoni relevanti, it-tfassil ta' governanza f'diversi livelli effiċjenti u effettiva tal-istrateġija; it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

4.3

Biex l-iżvilupp promoss permezz tar-riforma tal-istrateġija Ewropa 2020 ikun verament sostenibbli, huwa essenzjali li jissaħħaħ l-approċċ olistiku tiegħu fejn l-objettivi ekonomiċi jiġu integrati ma' dawk soċjali u ambjentali. Jeħtieġ jiġi promoss approċċ li kapaċi jisfrutta kull forma ta' kapital fiż-żmien jew fl-ispazju, u b'hekk jassigura li jintlaħqu l-ħtiġijiet attwali mingħajr ma jikkomprometti dawk tal-ġenerazzjonijiet futuri.

4.3.1

Se jkun kruċjali li l-kunċett ta' żvilupp sostenibbli u l-għanijiet li jirriżultaw mill-istrateġija Ewropa 2020 jintrabtu ma' dak li huwa definit fl-Artikolu 3 (1)(2)(3) tat-“Trattat dwar l-Unjoni Ewropea” (11), għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali permezz ta' kooperazzjoni u solidarjetà iżjed b'saħħithom bejn l-Istati Membri u permezz ta' żvilupp sostenibbli msejjes fuq tkabbir ekonomiku bbilanċjat u ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna u aktar adattata għall-benesseri taċ-ċittadini, maħsuba għall-kompetittività u l-impjieg sħiħ.

4.3.2

L-istrateġija Ewropa 2020 għandha tirrifletti wkoll ir-rwol tal-UE fil-kuntest globali. Ir-reviżjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 għandha torbot mill-qrib mal-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015 (12) u tipprevedi l-implimentazzjoni adatta tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli mill-UE u fl-UE.

4.3.3

Sabiex jingħata bidu lit-transizzjoni fit-tul tal-ekonomija tal-UE li tkun reżiljenti u kompetittiva, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u inklużiva, l-UE ser ikollha testendi l-orizzont tal-ippjanar tagħha lil hinn mill-2020. Għalhekk, ir-reviżjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 għandha tiġi komplementata b'mod urġenti bit-tnedija ta' proċess parteċipattiv li jwassal għal strateġija politika għal Ewropa sostenibbli f'dinja globalizzata, b'perjodu ta' żmien mill-inqas sal-2030.

4.4

B'mod parallel mal-iżvilupp ta' approċċ olistiku għall-kunċett ta' żvilupp sostenibbli fl-istrateġija Ewropa 2020 għandha tissaħħaħ aktar id-dimensjoni kwalitattiva tal-għanijiet. It-tkabbir ifisser żieda naturali fid-daqs u għaldaqstant dan jimplika dimensjoni kwantitattiva, filwaqt li l-iżvilupp ifisser żieda fil-kwalità u l-potenzjal. Id-dimensjoni kwalitattiva tal-iżvilupp tissarraf bl-isfruttar u l-iżvilupp tal-karatteristiċi speċifiċi u l-potenzjal ta' sistema soċjoekonomika.

4.4.1

L-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 ma għandhomx ikunu subordinati għal għanijiet ekonomiċi u baġitarji iżda għandhom jiġu integrati fl-istess livell, f'qafas ġdid ta' governanza ekonomika, ambjentali u soċjali, speċjalment fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u, għaldaqstant, fis-SAT, fil-programmi nazzjonali ta' riforma u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

4.4.2

Il-KESE jtenni li huwa essenzjali li tiġi identifikata sistema ta' miżuri kumplimentari għall-PDG biex jitkejjel l-impatt tal-politiki adottati fir-rigward tas-soċjetà, il-familja u l-individwi (13). F'dan il-kuntest ser ikun meħtieġ li tiġi implimentata tabella ta' valutazzjoni soċjali u li tiġi garantita l-applikazzjoni ġenwina tagħha fis-Semestru Ewropew (14).

4.4.3

F'dan is-sens, huwa kruċjali li tiġi żviluppata sistema ta' monitoraġġ ibbażata fuq indikaturi li jqisu l-introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi, il-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà ambjentali, il-koeżjoni soċjali, is-saħħa u l-benesseri tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni tas-sistema ta' monitoraġġ ġdida, il-KESE jemmen li għandha tiġi stabbilita struttura ġdida li tinvolvi l-istituzzjonijiet rilevanti.

4.5

L-istrateġija Ewropa 2020 tkun suċċess biss jekk tkun mibnija fuq governanza f'diversi livelli biex tkun tista' tirreaġixxi għall-bosta sfidi li qed jitfaċċaw, u jekk il-linji gwida ġenerali, maqbula fil-livell Ewropew, jissarfu f'azzjoni nazzjonali u reġjonali konkreta.

4.5.1

Huwa f'dan il-kuntest li trid tissaħħaħ il-governanza ekonomika tal-UE b'mod ġenerali, u tal-UEM b'mod partikolari, u tiġi integrata mal-istrateġija Ewropa 2020. B'dan il-mod ser ikun possibbli li tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' dawk ir-riformi ta' natura strutturali, permezz ta' taqssim effiċjenti u sjieda mill-Istati Membri. Għalhekk hemm bżonn li tiġi stabbilita kooperazzjoni reali fil-funzjonijiet ta' tmexxija, kondiviżjoni, u kontroll eżerċitati mill-Kunsill Ewropew, il-Kunsill Kompetizzjoni, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew.

4.5.2

L-Istati Membri għandhom iqisu b'attenzjoni r-“rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi”, adottati mill-Kunsill Ewropew fit-tfassil tal-istrateġiji annwali definiti fil-programmi nazzjonali ta' riforma u fid-deċiżjonijiet dwar il-baġit, ir-riformi strutturali, il-politiki tal-impjieg u l-politiki soċjali.

4.6

Huwa meħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fid-diversi stadji tal-proċess ta' programmazzjoni u implimentazzjoni tal-politiki Ewropej. L-ilħuq tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 għandu jkun appoġġjat bit-tisħiħ tar-rwol u l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-“Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir”, fit-tfassil tal-programmi nazzjonali ta' riforma u fir-“rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi”. Dan it-tisħiħ irid isir permezz tal-adozzjoni ta' skeda tas-semestru Ewropew aktar effikaċi u f'waqtha, li tippermetti li s-soċjetà ċivili organizzata tippreżenta valutazzjonijiet fil-ħin meta jkun għadu possibbli li tikkontribwixxi b'mod effettiv fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan għandu jiġi żgurat fit-tliet livelli ta' governanza tal-istrateġija: dak Ewropew, nazzjonali u reġjonali.

5.   Il-politiki trasversali u settorjali b'appoġġ għall-istrateġija Ewropa 2020

5.1

Sabiex l-istrateġija Ewropa 2020 isservi ta' lieva ta' kompetittività u koeżjoni biex tgħin it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv tal-Ewropa matul il-5 snin li ġejjin, il-KESE jqis li hija meħtieġa implimentazzjoni ta' strateġija integrata magħmula minn politiki transversali (jew orizzontali) u politiki settorjali (jew vertikali).

5.1.1

Il-politiki transversali (jew orizzontali) għandu jkollhom l-għan li joħolqu l-kundizzjonijiet sabiex l-atturi ewlenin jisfruttaw ir-rilanċ tal-kompetittività Ewropea, jiġifieri l-ħaddiema u n-negozjiu l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

5.1.2

Il-politiki settorjali (jew vertikali) għandhom iservu ta' pilastri li permezz tagħhom jiġi żgurat rilanċ effettiv tal-istrateġija Ewropa 2020 permezz ta': rilanċ tal-politika industrijali; l-unifikazzjoni tal-politika tal-enerġija; it-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni barra mill-promozzjoni tal-fatturi ta' tisħiħ tal-kompetittività fis-sistema Ewropea marbuta mas-sistema ta' benessri, tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali  (15).

5.2

L-atturi fir-rigward tal-politiki transversali tal-istrateġija Ewropa 2020 il-ġdida, għandu jkollhom il-ħaddiema, l-intrapriżi privati  (16)l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali  (17) bħala atturi ta' riferiment.

5.2.1

F'dak li għandu x'jaqsam mal-imsieħba soċjali l-istrateġija Ewropa 2020 għandu jkollha fost il-prijoritajiet ewlenin tagħha l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità bħala strument li kapaċi jindirizza l-frammentazzjoni li qed tiżdied fis-suq tax-xogħol u l-qgħad.

5.2.1.1

Huwa meħtieġ li s-sistemi tal-edukazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ kontinwu jiġu adattati skont il-ħtiġijiet u l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol.

5.2.1.2

Hija meħtieġa edukazzjoni dwar l-intraprenditorija u l-iżvilupp ta' approċċi u sistemi ta' tagħlim ġodda, sabiex il-persuni jiksbu l-ħiliet adatti biex jagħmlu użu mill-kapital uman.

5.2.1.3

Huwa importanti li jiġu promossi u appoġġjati r-rwol tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fil-gwida, l-inklużjoni u l-inklużjoni mill-ġdid tal-persuni fis-suq tax-xogħol.

5.2.1.4

Jeħtieġ isir sforz akbar fir-rigward tal-politiki maħsubin biex isostnu l-impjieg, speċjalment taż-żgħażagħ, ta' dawk li ħarġu mis-suq tax-xogħol f'età avvanzata, tan-nisa u tal-persuni b'diżabilitajiet. Huwa wkoll importanti li tingħata aktar attenzjoni lid-diffikultajiet ta' impjieg ta' dawk il-persuni li mhumiex inklużi fl-istatistika uffiċjali peress li huma barra mis-suq tax-xogħol (persuni bla dar jew bla saqaf, Roma, eċċ.).

5.2.1.5

Hemm bżonn li jiġi stabbilit għan ġdid fl-istrateġija Ewropa 2020: it-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ b'50 % sal-2020.

5.2.2

Fir-rigward tal-intrapriżi, speċjalment l-SMEs, jeħtieġ li titħeġġeġ kultura intraprenditorjali moderna ibbażata fuq il-prijoritajiet stabbiliti mill-“Att dwar in-negozji ż-żgħar” (18) u “L-Intraprenditorija 2020” (19), li tista' tgħin lill-intrapriżi biex isarrfu l-opportunitajiet offruti mill-aċċess għal finanzjament Ewropew u l-innovazzjoni teknoloġika f'lievi ta' żvilupp li bihom isostnu l-kompetittività u l-impjiegi.

5.2.2.1

F'dan il-kuntest għandhom jiġu żgurati l-kundizzjonijiet li jiggarantixxu li l-operaturi ekonomiċi jikkompetu f'suq fejn id-distorzjonijiet marbutin mal-burokrazija eċċessiva kif ukoll il-metodi u l-prattiki inġusti u llegali jitneħħew.

5.2.2.2

Jeħtieġ ukoll li neżaminaw il-possibbiltà ta' promozzjoni ta' assistenza speċjalizzata għall-SMEs (20) għal xi rotot speċifiċi: start-up, internazzjonalizzazzjoni; l-użu tas-suq kapitali; riċerka, żvilupp u innovazzjoni.

5.2.3

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma element ewlieni tal-mudell soċjali Ewropew peress li jirrappreżentaw fuq kollox fil-livell lokali u reġjonali, muturi ta' innovazzjoni soċjali u vetturi għall-ħolqien ta' impjieg, tkabbir sostenibbli u koeżjoni. Huma jdaħħlu metodi ġodda u flessibbli ta' għoti ta' servizz u innovazzjonijiet f'termini ta' prodotti, proċessi u organizzazzjoni.

5.3

Ir-rilanċ effettiv tal-istrateġija Ewropa 2020 ser jiddependi minn kemm jirnexxielna nisfruttaw il-politiki settorjali li ġejjin.

5.3.1

Permezz tar-rilanċ tal-politika industrijali Ewropea se jkun jista' jiġi żgurat titjib fil-kompetittività tas-sistema ta' produzzjoni Ewropea. L-UE għandha terġa' tibda tikkompeti f'termini ta' sistema u biex tagħmel dan, għandu jkollha politika industrijali tagħha. Is-settur tal-manifattura jrid jerġa' jikseb sehem ta' 20 % tal-PDG (fl-2012 dan kien 15,3 %).

5.3.1.1

Tinħtieġ politika industrijali li tista' tippromwovi:

rbracetop; l-integrazzjoni strateġika tal-katina tal-valur fis-setturi differenti: il-manifattura, l-agroindustrija, is-servizzi;

rbracetop; l-affermazzjoni ta' industriji b'teknoloġija avvanzata (high-tech) jew b'teknoloġija medja sa għolja (medium-high tech) u ta' servizzi intensivi fl-għarfien (knowledge intensive services);

rbracetop; l-iżvilupp ta' suq Ewropew li huwa kapaċi li jiżgura kemm kompetizzjoni ġusta għall- kwalifiki ta' livell medju sa għoli, kif ukoll jippromwovi l-mobilità tal-ħaddiema u l-professjonijiet liberi b'livell medju sa għoli ta' speċjalizzazzjoni, u s-servizzi;

rbracetop; interkonnessjonijet funzjonali bi speċjalizzazzjoni għolja bejn is-settur pubbliku u l-operaturi ta' servizzi b'livell għoli ta' speċjalizzazzjoni sabiex isir titjib fl-użu tal-produttività tas-settur pubbliku;

rbracetop; il-kapitalizzazzjoni tal-opportunitajiet ta' żvilupp li jirriżultaw mill-ekonomija ekoloġika u l-appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE lejn mudell ta' produzzjoni u konsum, konsistenti mal-prinċipju ta' tkabbir sostenibbli (permezz ta' rabtiet ma' “l-aġenda għal wara l-2015 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli”) (21);

rbracetop; is-settur strateġiku “tal-ekonomija blu” permezz tal-innovazzjoni sabiex l-opportunitajiet ta' żvilupp marbutin mal-“katini ta' valur” ewlenin (Blue industry; Blue logistic; Blue tourism; Blue food; Blue energy; Blue resources) jissarrfu f'benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali għall-intrapriżi u ċ-ċittadini Ewropej.

5.3.2

Huwa essenzjali li f l-UE tiġi promossa politika komuni tal-enerġija . Minħabba l-implikazzjonijiet kbar tal-enerġija għall-ekonomija, politika industrijali serja ma tistax ma tħaddanx prinċipji komuni bħal:

l-aġġustament u t-tnaqqis tad-differenzi fil-prezzijiet tal-enerġija;

it-titjib fil-kundizzjonijiet tas-suq intern tal-enerġija;

it-tnaqqis ta' dipendenza enerġetika fuq Stati terzi;

l-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli.

5.3.3

L-iżvilupp ta' politiki ta' riċerka u innovazzjoni, l-użu ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), kif ukoll id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija huma oqsma fejn hemm potenzjal sinifikanti għar-rilanċ tal-kompetittività Ewropea. F'dawn is-sitwazzjonijiet huwa possibbli li jiġu attirati forom ġodda ta' kooperazzjoni effiċjenti u effettiva bejn il-pubbliku u l-privat.

5.3.3.1

F'dan il-kuntest, il-KESE jqis li jkun tajjeb li:

rbracetop; jitħeġġu aġenziji pubbliċi, flessibbli u dinamiċi, li kapaċi jippromovu l-opportunitajiet għal finanzjament fuq żmien medju u twil, u kapaċi jiżguraw ir-rabta meħtieġa bejn ix-xjenza u l-industrija;

rbracetop; tittieħed azzjoni biex jiġi sfruttat l-ICT, bħala mezz kif trawwem id-dinamiżmu ta' operaturi ekonomiċi (l-SMEs jikbru aktar malajr meta jagħmlu użu minnu);

rbracetop; jiżdied l-appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni u l-appoġġ fl-Istati Membri kollha għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet ta' riċerka u l-intrapriżi;

rbracetop; tiġi promossa d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, opportunità li tista' tgħaqqad l-interess privat għall-benefiċċju tal-pubbliku, peress li tippermetti li l-intraprendituri jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti mis-suq, u fl-istess ħin joffru prodotti u servizzi diġitali pubbliċi ġodda għall-pubbliku.

5.3.4

Il-KESE jemmen fil-promozzjoni ta' dawk il-fatturi li jsaħħu l-kompetittività marbutin mas-sistemi ta' ħarsien soċjali. L-implimentazzjoni ta' politiki effettivi ta' benessri tista' tirrappreżenta fattur partikolarment importanti għar-rilanċ tal-kompetittività tal-UE, minħabba li tiżgura ambjent li fih il-fatturi ta' riskju, li mhumiex sostenibbli fuq livell individwali (għaċ-ċittadini), jistgħu jiġu miġġielda permezz ta' politiki speċifiċi ta' ħarsien soċjali. Hemm bżonn li jissaħħaħ l-impenn għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol. Il-KESE jqis li huwa fundamentali li tiġi appoġġjata aktar l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità (22) u d-dimensjoni tal-ġeneri (23), u l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u l-forom ta' esklużjoni bbażati fuq l-oriġini ta' razza jew etniċità, l-età, ir-reliġjon u l-orjentazzjoni sesswali.

5.3.4.1

Fid-dawl tal-previżjonijiet dwar it-tixjiħ tal-popolazzjoni (24) fl-Ewropa huwa essenzjali li l-impenn li ttieħed dwar it-tibdil demografiku jinżamm u jekk possibbli jissaħħaħ. Sabiex l-aspetti pożittivi tat-tibdil demografiku iseħħu kemm għall-anzjani kif ukoll għas-soċjetà b’mod ġenerali, huwa assolutament meħtieġ li n-nies ikollhom il-possibbiltà li jixjieħu b’saħħithom u fis-sigurtà (25).

5.3.4.2

Il-KESE jemmen li l-miżuri ta' politika ekonomika għandha ssirilhom valutazzjoni tal-impatt soċjali, bħala prevenzjoni, sabiex tilqa' kontra l-interventi li jistgħu jgħollu l-livelli ta' faqar jew esklużjoni soċjali.

5.3.4.3

Barra minn hekk, għandha tiġi promossa strateġija integrata għall-inklużjoni attiva li tiżgura:

appoġġ adegwat għad-dħul;

suq tax-xogħol inklużiv;

aċċess għal xogħol u servizzi ta' kwalità u l-promozzjoni tal-innovazzjoni soċjali;

l-użu tal-ekonomija soċjali fl-oqsma strateġiċi tas-servizzi tal-kura u l-għajnuna lill-persuni.

5.4

Il-KESE jqis li l-Istrateġija Ewropa 2020 għandu jkollha magħha pjan ambizzjuż ta' investimenti materjali u immaterjali fl-infrastruttura u l-investimenti soċjali li jimmiraw b'mod esklussiv lejn l-irkupru tal-kompetittività tal-UE (26). Il-Kunsill għandu japprova l-fondi supplimentari meħtieġa biex jiġu finanzjati u l-Kummissjoni għandha tissorvelja l-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom filwaqt li tkun qed tissorvelja r-riformi strutturali ta' kull pajjiż.

F'dan ir-rigward, il-KESE jtenni l-proposti tiegħu li jinsabu f'opinjoni reċenti (27) dwar l-importanza tal-investimenti pubbliċi tal-Istati Membri minn naħa u min-naħa l-oħra li jfittxu li jtaffu jew jissospendu b'mod temporanju, tul il-kriżi, il-politiki tal-awsterità.

F'dan l-ispirtu il-KESE jirrakkomanda li jiġu applikati r-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u t-Tkabbir bil-flessibbiltà kollha li s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali timponi.

5.4.1

L-investimenti infrastrutturali “materjali” għandhom jiffokaw fuq żewġ assi prinċipali. L-ewwel wieħed irid ikun li jiġu żgurati l-manutenzjoni, l-irkupru u l-immodernizzar: tal-wirt arkitettoniku, storiku u tad-djar; tan-netwerks tat-trasport (bil-ferrovija, bit-triq u bil-baħar). Ser ikunu importanti wkoll il-manutenzjoni u ż-żamma tas-sigurtà tal-wirt idroġeoloġiku u tal-kosta Ewropew. It-tieni wieħed jirrigwarda l-investimenti “intanġibbli” li jkopru l-iżvilupp tan-netwerks ta' teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. L-iffinanzjar ta' dan il-pjan ta' investiment jista' jseħħ bil-parteċipazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-ħruġ ta' bonds Ewropej ad hoc u r-riformulazzjoni tal-Programm Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 ippjanata għall-2016.

5.4.2

L-investiment soċjali għandu jkun kapaċi jiġġieled il-faqar u r-riskju ta' esklużjoni soċjali, u jiffavorixxi l-irkupru fl-impjieg Ewropew. Pjan ta' investiment ta' 2 % tal-PDG li jiġi eskluż mill-kalkoli tad-defiċit, li jkun monitorjat sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet ta' effiċjenza u effikaċja. Pjan li jista' jkun immirat lejn: is-servizzi sanitarji; servizzi ta' għajnuna u servizzi ta' kura b'rabta diretta mat-tendenzi demografiċi tal-Istati Membri; it-tisħiħ tas-sistema tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ professjonali mill-ġdid; u l-akkomodazzjoni soċjali; eċċ. L-iffinanzjar, barra milli jiġi eskluż mill-kalkolu tad-defiċit, jista' jinġabar permezz ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ara s-sit tal-Kummissjoni Ewropea: http://ec.europa.eu/europe2020/public-consultation/index_en.htm

(2)  KESE (2014) Il-kontributi tas-Sezzjonijiet Speċjalizzati tal-KESE, l-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol, l-Osservatorju tas-Suq Uniku, l-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli, is-CCMI u l-Grupp ta' Kuntatt – Għar-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-Istrateġija Ewropa 2020. Kumitat ta' Tmexxija tal-Ewropa 2020

(3)  “Bħala medja fl-Ewropa, fl-2012 il-persuni fl-ogħla (il-ħames) kwintil tad-dħul kellhom kważi 40 % tad-dħul totali, u l-persuni fl-ibaxx kwintil (l-ewwel) kellhom inqas minn 10 %.” Eurostat (2014) Statistics in focus 12/2014.

(4)  F'din l-opinjoni – għal raġunijiet ta' spazju – mhix rapportata d-data statistika kollha li tinsab fiż-żewġ dokumenti msemmija: COM(2014) 130 final – Annessi 1-3.

(5)  Fit-28 Stat Membru tal-UE fil-perjodu mill- 2007 (l-aħħar sena qabel ma bdiet il-kriżi) sal-2013, id-dejn pubbliku tela' minn 58,8 % għal 87,1 %, żieda ta' 28,3 punti perċentwali. Għat-18-il Stat Membru taż-żona tal-euro iż-żieda kienet minn 66,2 % għal 92,6 %, żieda ta' 26,4 punti perċentwali. Eurostat database: General government gross debt.

(6)  Veugelers, R. (2014) Undercutting the future? European research spending in times of fiscal consolidation. Bruegel Policy Contribution. Ħarġa 2014/06.

(7)  European Parliament (2014) Study – A “traffic light approach” to the implementation of the 2011 and 2012 Country Specific Recommendations (CSRs). Economic Governance Support Unit.

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320–469.

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259–280.

(10)  Tista ssib aktar informazzjoni dwar il-proġett ta' riċerka fuq http://www.foreurope.eu/

(11)  ĠU C 83, 30.3.2010.

(12)  http://sustainabledevelopment.un.org/index.php?menu=1561

(13)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 14–20.

(14)  It-Tisħiħ Tad-Dimensjoni Soċjali Tal-Unjoni Ekonomika U Monetarja COM(2013) 690 provviżorja.

(15)  Għal eżami iktar dettaljat tal-azzjonijiet proposti, ara: KESE (2014) op.cit.

(16)  It-terminu globali ta' intrapriżi qed jirreferi kemm għall-karatteristika ewlenija tal-intraprenditur (kemm jekk jaħdem għal rasu, professjonjist, b'impjegati u jħallas il-kontributi soċjali) kif ukoll għad-daqs (intrapriżi mikro, żgħar, medji jew kbar).

(17)  L-ekonomija soċjali tinkludi kemm l-SMEs kif ukoll intrapriżi kbar fosthom kooperattivi, soċjetajiet ta' għajnuna reċiproka, assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet, NGOs soċjali eċċ

(18)  “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” – COM(2008) 394 final/2.

(19)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 75–80.

(20)  Il-KESE jirreferi għar-rapport “Action Lines: Bolstering the business of liberal professions” tal-“Working Group in Liberal professions” li ġie ppubblikat fit-12 ta' Marzu 2014.

(21)  http://www.wfuna.org/post-2015

(22)  Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli COM(2010) 636 final.

(23)  Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel COM(2010) 491 final.

(24)  Rapport tal-Kummissjoni Ewropea tal-2012 dwar it-tixjiħ

(25)  ĠU C 51, 17.2.2011, p. 55–58.

(26)  Kif propost minn Jean-Claude Junker, Kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, fil-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni li jmiss, 15 ta' Lulju 2014, Strasburgu.

(27)  Opinjoni tal-KESE “L-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja – Il-proposti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-leġislatura Ewropea li jmiss”, relaturi is-Sinjuri Van Iersel u Cedrone, adottata fid-9 ta' Lulju 2014, għadha mhux ippubblikata fil-ġurnal uffiċjali.


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/115


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq”

(COM(2014) 476 final – 2014/0218 (COD))

(2015/C 012/18)

Nhar id-29 ta' Lulju 2014, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 194(2) tat-TFUE, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq

COM(2014) 476 final – 2014/0218 (COD)

Billi l-Kumitat japprova bla riżervi l-kontenut tal-proposta u jaħseb li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru 2014), b'172 vot favur, vot wieħed kontra u 2 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/116


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran)”

(COM(2014) 457 final – 2014/0213 COD)

(2015/C 012/19)

Nhar is-17 ta' Lulju 2014 u nhar il-31 ta' Lulju 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran)

COM(2014) 457 final – 2014/0213 COD.

Billi l-Kumitat japprova bla riżervi l-kontenut tal-proposta u jaħseb li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru 2014), b’172 vot favur, l-ebda (0) vot kontra u 4 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/117


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (kodifikazzjoni)”

(COM(2014) 466 final – 2014/0216 COD)

(2015/C 012/20)

Nhar it-8 ta' Settembru 2014, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi (kodifikazzjoni)

COM(2014) 466 final – 2014/0216 COD.

Billi l-Kumitat japprova bla riżervi l-kontenut tal-proposta u jaħseb li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru 2014), b'150 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 2 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE