ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 424

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
26 ta' Novembru 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

499 sessjoni plenarja tal-KESE tal-4 u l-5 ta' Ġunju 2014

2014/C 424/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ — l-aħjar prattiki — (Opinjoni esploratorja fuq talba tal-Presidenza Griega tal-Kunsill)

1

2014/C 424/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi kummerċjali u l-fehma tal-KESE dwar kooperazzjoni mtejba u ftehim ta' kummerċ ħieles eventwali bejn l-UE u l-Istati Uniti — Opinjoni fuq inizjattiva proprja

9

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

499 sessjoni plenarja tal-KESE tal-4 u l-5 ta' Ġunju 2014

2014/C 424/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti industrijali — COM(2014) 25 final

20

2014/C 424/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk Ewropew tas Servizzi tal-Impjieg, l-aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi tal-mobilità u l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol — COM(2014) 6 final — 2014/0002 (COD)

27

2014/C 424/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Eworpew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi (bħall-gass tax-shale) fl-UE bl-użu tal-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli — COM(2014) 23 final

34

2014/C 424/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwaril-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030 — COM(2014) 15 final

39

2014/C 424/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment u t-tħaddim ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emmissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE — COM(2014) 20 final — 2014/0011 (COD)

46

2014/C 424/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Approċċ tal-UE kontra t-traffikar ta’ Organiżmi Salvaġġi — COM(2014) 64 final

52

2014/C 424/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Flimkien lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi — COM(2013) 913 final

58

2014/C 424/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa — (COM(2014) 21 final)

64

2014/C 424/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ kaseini u kaseinati maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE — COM(2014) 174 final — 2014/0096 COD

72

2014/C 424/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 għas-sena kalendarja tal-2014 — COM(2014) 175 final — 2014/0097 COD

73

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

499 sessjoni plenarja tal-KESE tal-4 u l-5 ta' Ġunju 2014

26.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ — l-aħjar prattiki

(Opinjoni esploratorja fuq talba tal-Presidenza Griega tal-Kunsill)”

2014/C 424/01

Relatur:

is-Sinjura Schweng

F’ittra datata s-6 ta’ Diċembru 2013, is-Sur Theodoros Sotiropoulos, Ambaxxatur, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f’isem il-Presidenza Griega tal-Kunsill tal-UE u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jfassal opinjoni dwar

Miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ – l-aħjar prattiki

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta' Mejju 2014.

Matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu li saret l-4 u l-5 ta' Ġunju 2014 (seduta tal-4 ta' Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'124 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iqis il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ bħala prijorità politika. Sabiex iż-żgħażagħ tal-lum ikunu jistgħu jfasslu l-Ewropa ta' għada, jeħtieġu prospetti għal ħajja indipendenti, fejn ikun hemm post tax-xogħol li jikkorrespondi għall-kwalifiki tagħhom. Huwa biss permezz ta' strateġija mmirata lejn it-tkabbir, u li hija intiża għat-tisħiħ tal-kompetittività u għat-trawwim mill-ġdid tal-fiduċja tal-investituri u tal-pubbliku, kif ukoll permezz ta' investiment sostenibbli u pjan ta' rkupru li tista' tiġi stimolata d-domanda għall-forza tax-xogħol.

1.2

Jinħtieġu inċentivi adatti biex il-kumpaniji jitħeġġu jimpjegaw ħaddiema ġodda li sikwit ikunu mingħajr esperjenza, anke fi żminijiet ta' inċertezza ekonomika. Dawn jinkludu sistema edukattiva li toħloq bażi fuq livell professjonali u personali għad-dħul fix-xogħol, taħriġ vokazzjonali li jkun aktar orjentat lejn il-ħtiġjijiet tas-suq tax-xogħol kif ukoll li tippromovi l-ispirtu intraprenditorjali. Barra minn hekk, jinħtieġ suq tax-xogħol dinamiku u inklużiv, li jkun hemm nies disponibbli bil-kwalifiki essenzjali għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, il-koeżjoni tas-soċjetà u għall-prospetti ta' tkabbir sostenibbli fit-tul. Ir-riformi rilevanti għandhom iwasslu biex jinkiseb bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà. Dan jista' jiġi żgurat l-aħjar bl-involviment tal-imsieħba soċjali.

1.3

Iż-żgħażagħ għandhom jiġu appoġġjati fl-għażla tal-karriera tagħhom minn konsulent professjonali kwalifikat. Analiżi tal-bżonnijiet tal-forza tax-xogħol fil-perjodu medju tista' tinfluwenza l-għażliet ta' karriera b'mod korrispondenti, speċjalment fil-livell lokali. Matul il-kriżi, l-Istati Membri b's-sistema edukattiva li toffri edukazzjoni teoretika kif ukoll prattika wrew ukoll rati relattivament baxxi ta' qgħad fost iż-żgħażagħ meta mqabbla ma' pajjiżi Ewropej oħra. Il-KESE jinsab konvint mis-suċċess tal-mudelli ta' taħriġ vokazzjonali bbażati fuq ix-xogħol, pereżempju s-sistemi ta' taħriġ doppju li jeżistu f'xi Stati Membri. Dawn il-programmi ta' taħriġ l-iktar li jkollhom suċċess meta l-partijiet interessati kollha (l-impjegaturi, il-ħaddiema, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi u s-settur pubbliku) jwettqu r-responsabbilitajiet tagħhom.

1.4

Barra minn hekk, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg għandhom rwol importanti x'jaqdu fit-tranżizzjoni mill-iskola għall-impjieg. Għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom ir-riżorsi finanzjarji u umani adatti biex mhux biss jappoġġjaw lill-persuni qiegħda li qed ifittxu impjieg iżda wkoll iżommu kuntatt mill-qrib man-naħa tad-domanda.

1.5

L-involviment tal-imsieħba soċjali fl-istrateġija tat-tkabbir, fir-riformi tas-suq tax-xogħol, fil-programmi ta' taħriġ u fir-riformi tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg kif ukoll l-involviment tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-implimentazzjoni tal-garanzija taż-żgħażagħ jiżguraw l-approvazzjoni ta' parti wiesgħa tal-popolazzjoni u għaldaqstant il-paċi soċjali. Huma biss id-deċiżjonijiet kondiviżi li għandhom l-opportunità li jwasslu għal tibdil sostenibbli.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-ġlieda effettiva kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ hija waħda mill-ikbar sfidi tal-preżent. Huwa minnu li r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ta' bejn il-15 u l-24 sena dejjem kienu ogħla mir-rati ta' qgħad fost persuni ta' bejn 24 u 65 sena iżda l-kriżi ekonomika u finanzjarja laqtet partikolarment ħażin liż-żgħażagħ li qed ifittxu biex jidħlu għall-ewwel darba fis-suq tax-xogħol. Filwaqt li, skont il-Eurostat (1), sal-aħħar tal-2008, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kienet id-doppju tar-rata tal-popolazzjoni kollha, sal-aħħar tal-2012 żdiedet b'2,6 darbiet iktar mir-rata tal-qgħad tal-popolazzjoni kollha.

2.2

Ir-raġunijiet għal dan jinkludu anqas impjiegi minħabba tkabbir negattiv jew dgħajjef u t-tnaqqis fid-domanda domestika, fit-tfaddil u l-friża ta' reklutaġġ assoċjat fis-settur pubbliku. Dawn l-elementi ġew aggravati mill-fatt li, fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, ir-riformi strutturali ma twettqux fil-ħin, min-nuqqas ta' kwalifiki kif ukoll minn ħiliet li ma hemmx domanda għalihom fis-suq tax-xogħol.

2.3

Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ tindika l-għadd ta' persuni ta' bejn il-15 u l-24 sena li huma qiegħda mittieħda f'persentaġġ tal-popolazzjoni attiva tal-istess età. Fl-2013 din ir-rata kienet ta' 23,3 % fl-UE-28. It-tieni indikatur tal-Eurostat (2) jikkalkola l-proporzjon ta' żgħażagħ qiegħda (jiġifieri l-proporzjon ta' żgħażagħ ta' bejn il-15 u l-24 sena li huma qiegħda mill-popolazzjoni kollha ta' din l-età). Fl-2013 dan kien jammonta għal 9,8 % fl-UE. Dan l-indikatur juri li ħafna żgħażagħ ta' din l-età jkunu qed jitħarrġu u b'hekk mhumiex disponibbli fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri jintlaqtu b'mod ferm differenti mill-qgħad fost iż-żgħażagħ: il-proporzjon ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ivarja minn 4 % fil-Ġermanja sa 20,8 % fi Spanja; mentri r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ tvarja minn 7,9 % fil-Ġermanja sa 58,3 % fil-Greċja.

2.4

Għalkemm għandu jiġi ċċarat li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ma tispeċifikax il-persentaġġ taż-żgħażagħ kollha li huma qiegħda, għad hemm persentaġġ konsiderevoli ta' żgħażagħ li qed ifittxu xogħol.

2.5

Il-grupp ta' żgħażagħ li jaqa' taħt il-kategorija NEET (barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ) għandu jingħata aktar attenzjoni: skont il-EUROFOUND (3) iż-żgħażagħ li jaqgħu f'dan il-grupp jinsabu f'periklu ikbar li eventwalment isibu biss postijiet tax-xogħol prekarji, u l-frustrazzjoni li jesperjenzaw f'fażi bikrija tagħmilhom aktar suxxettibbli għall-faqar, l-esklużjoni soċjali u r-radikalizzazzjoni. Il-kost tan-nonparteċipazzjoni ta' dawn iż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol huwa stmat b'kawtela għal EUR 153 biljun, u dan jikkorrespondi għal 1,2 % tal-PDG Ewropew.

2.6

F'xi Stati Membri tal-UE, irrispettivament miż-żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ, hemm għadd dejjem jikber ta' postijiet battala tax-xogħol li ma jistgħux jimtlew. Dan jikkonċerna x-xogħlijiet speċjalizzati f'diversi oqsma bi kwalifiki għolja fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM bl-Ingliż), iżda wkoll pożizzjonijiet ta' maniġment intermedju fejn jinħtieġu nies b'ħiliet orizzontali (ħiliet ta' komunikazzjoni, spirtu ta' ħidma f'tim, spirtu intraprenditorjali, eċċ.).

3.   Ir-reazzjoni tal-Ewropa għall-qgħad fost iż-żgħażagħ

3.1   Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ

3.1.1

L-idea ta' garanzija għaż-żgħażagħ ilha tissemma fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea (4) mill-2011. F'April 2013, il-Kunsill tal-Ministri tal-UE adotta Rakkomandazzjoni dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ. L-implimentazzjoni tagħha għandha tiżgura li ż-żgħażagħ kollha ta' taħt il-25 sena jirċievu offerta tajba ta' impjieg, ta' iktar taħriġ, apprendistat jew traineeship fi żmien erba' xhur wara li jitilqu mill-iskola jew ikunu tilfu impjieg.

3.1.2

Il-maġġoranza tal-miżuri tal-garanzija għaż-żgħażagħ jistgħu jiġu kkofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew. Barra minn hekk, hemm riżorsi addizzjonali mill-inizjattiva għall-impjiegi għal 20 Stat Membru minħabba rata kbira ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fir-reġjuni tagħhom (aktar minn 25 % tal-anqas f'reġjun wieħed).

3.1.3

Fil-qafas tas-Semestru Ewropew, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjani ta' implimentazzjoni għandha tiġi inkorporata fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi sabiex jiġi żgurat li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tkun armonizzata mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

3.1.4

Fl-2013, il-Bank Ewropew tal-Investiment nieda l-programm “Impjiegi għaż-Żgħażagħ – Investiment fil-Ħiliet” li kellu EUR 6 biljun allokati għalih. L-istess ammont ser jiġi allokat għal dan il-programm fl-2014 u l-2015.

3.2   Pjani ta' azzjoni tal-imsieħba soċjali Ewropej għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ

F'Ġunju 2013, l-imsieħba soċjali Ewropej adottaw pjan ta' azzjoni dwar l-impjieg għaż-żgħażagħ (5). Dan huwa bbażat fuq eżempji eżistenti u ġodda ta' prattika tajba fl-erba' prijoritajiet: it-tagħlim, it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol, l-impjieg u l-intraprenditorija. B'hekk l-imsieħba soċjali nazzjonali ser ikunu ispirati jsibu soluzzjonijiet fl-ambjent tagħhom stess u jadattaw għall-kundizzjonijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

3.3   Il-kontribut tal-KESE

3.3.1

Il-KESE indirizza s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol f'diversi opinjonijiet (6), konferenzi u seduti (7). L-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol qed japplika metodu ġdid li jinvolvi t-tfassil ta' studji pilota dwar temi partikolari. Għaldaqstant tintalab l-opinjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'xi Stati Membri sabiex ikun jista' jiġi evalwat jekk il-politiki u l-miżuri Ewropej għandhomx l-effetti mixtieqa. Il-kwistjoni importanti tal-impjieg taż-żgħażagħ hija waħda mill-ewwel suġġetti li ġew magħżula għal studju pilota.

3.3.2

Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ (8) il-Kumitat stqarr li “hija meħtieġa strateġija ta’ tkabbir reali fil-livell nazzjonali u fl-UE biex tappoġġja l-ħolqien ta’ iktar impjiegi u impjiegi iktar stabbli [...]. Dan għandu bżonn approċċ ikkordinat għall-isforzi u l-politiki kollha li għandhom l-għan li jsaħħu l-kompetittività u jġibu lura l-fiduċja tal-investituri u tal-familji.” Barra minn hekk, innota li l-finanzjament ta' EUR 6 biljun għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ mhux ser ikun biżżejjed.

3.3.3

Fl-Opinjoni tiegħu dwar “Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati” (9), il-KESE nnota li l-apprendistati huma importanti biex titwitta t-triq għas-suq tax-xogħol iżda mhumiex is-soluzzjoni maġika għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Apparti r-rekwiżit li l-apprendistati jiġu inklużi b'mod aktar b'saħħtu fil-kurrikula u li tiġi provduta protezzjoni soċjali bażika, għandhom jitfasslu wkoll linji gwida li jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-opportunitajiet ta' finanzjament sabiex jiġu stabbiliti skemi ta' apprendistati b'responsabbiltà finanzjarja kondiviża.

3.3.4

Il-Kumitat jilqa' b'mod favorevoli d-deċiżjoni li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg (PES) anke minħabba l-importanza tagħhom fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ (10). Il-PES għandhom ikunu jistgħu jirreaġixxu b'mod dirett, flessibbli u kreattiv għall-bidliet fl-ambjent tagħhom u għandhom ikunu jistgħu jikkombinaw l-interventi fil-perjodu qasir ma' soluzzjonijiet sostenibbli. Dan għandu jiġi rifless fil-kapaċitajiet korrespondenti u fl-appoġġ finanzjarju suffiċjenti. Il-PES għandhom jikkonċentraw aktar fuq il-provvista tax-xogħol peress li l-impjegaturi qed isibuha dejjem aktar diffċli biex isibu l-impjegati li għandhom bżonn.

3.3.5

Fl-Opinjoni tiegħu dwar “Niftħu l-edukazzjoni” (11) il-KESE jenfasizza li approċċ diġitali fis-sistemi tal-edukazzjoni jista' jgħin biex titjieb il-kwalitià u l-kreattività tal-opportunitajiet edukattivi. Il-parteċipazzjoni tal-għalliema fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-inizjattiva, flimkien ma’ taħriġ adegwat, hija essenzjali biex “niftħu l-edukazzjoni” b’mod innovattiv bl-użu tat-teknoloġiji l-ġodda u għar-Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER) f’kuntest ta’ tagħlim u apprendistat għal kulħadd. Il-mobilizzazzjoni tal-atturi kollha u l-promozzjoni tal-ħolqien ta' “sħubijiet ta' tagħlim” fis-soċjetà huma essenzjali wkoll għas-suċċess.

3.3.6

Il-proġetti deskritti fit-taqsimiet li ġejjin ġew rakkomandati mill-membri tal-Kumitat. Peress li ħafna mill-proġetti huma relattivament ġodda, sikwit ma jkun hemm l-ebda data dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tagħhom u għalhekk il-valutazzjoni hija bbażata unikament fuq il-perċezzjoni tal-membri tal-Kumitat.

3.4   Ir-riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni

3.4.1

Bħala parti mis-Semestru Ewropew, 16-il Stat Membru ġew irrakkomandati jimmodernizzaw is-sistema tal-edukazzjoni tagħhom. Ġie rrakkomandat lil 12-il Stat Membru li jorjentaw it-taħriġ vokazzjonali aktar lejn is-suq tax-xogħol jew li jsaħħu t-taħriġ vokazzjonali doppju.

3.4.2

Is-sistemi tal-edukazzjoni huma kompetenza nazzjonali u hekk għandhom jibqgħu. Madankollu, il-livell Ewropew jista' jagħti stimolu importanti bl-iskambju tal-esperjenzi u t-tagħlim bejn il-pari kif ukoll permezz ta' inċentivi finanzjarji. Is-sistemi tal-edukazzjoni għandhom jitfasslu b'mod li jipprovdu liż-żgħażagħ mhux biss bit-tekniki kulturali bażiċi iżda jgħallmuhom ukoll jirreaġixxu b'mod awtonomu għal rekwiżiti li jinbidlu, sabiex jagħmlu t-tagħlim tul il-ħajja parti mill-ħajja individwali tagħhom.

3.4.3

L-għoti ta' pariri u informazzjoni vokazzjonali f'waqthom għandu jgħin liż-żgħażagħ jirrikonoxxu t-talenti u l-kompetenzi tagħhom u jipprovdu informazzjoni dwar l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol. Il-proġetti bħal “Wiener Töchtertag” (12), fejn it-tfajliet imorru f'intrapriża sabiex jiksbu viżjoni ta' setturi professjonali ġodda u tal-opportunitajiet ta' impjieg, jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex it-tfajliet jinteressaw ruħhom f'taħriġ vokazzjonali tekniku.

3.4.4

It-tluq bikri mill-iskola huwa kkaġunat minn diversi kawżi u għaldaqstant jirrikjedi miżuri adatti mfassla individwalment. Il-miżuri intiżi biex jipprevenu t-tluq bikri mill-iskola bħall-“Jugendcoaching” (13) fl-Awstrija jew “Joblinge” (14) fil-Ġermanja huma eżempji fejn iż-żgħażagħ li jkunu fil-periklu li joħorġu mis-sistema jirċievu pariri u għajnuna individwali sabiex isibu taħriġ jew impjieg.

3.4.5

Fil-pajjiżi Ewropej b'rata baxxa tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jidher li dawn għandhom sistema ta' taħriġ li tikkunsidra s-suq tax-xogħol u l-intrapriżi u toffri kwalifiki professjonali ċċertifikati li jkunu trasferibbli. B'hekk parti mit-taħriġ isir direttament fuq il-post tax-xogħol, u parti oħra l-iskola u dan kollu jsir f'diversi modi. Dan ġie rikonoxxut mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-imsieħba soċjali tal-UE li approvaw l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati (15). L-apprendistati huma wieħed mill-elementi importanti tal-iskema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ u s-suċċess tagħhom huwa bbażat fuq sħubija wiesgħa li tlaqqa' l-partijiet interessati fil-qasam tal-intrapriżi, il-ħaddiema u l-edukazzjoni. Sabiex tinħoloq sistema doppja, li hija bbażata fuq il-ħtiġijiet tal-kumpaniji, tas-suq tax-xogħol u taż-żgħażagħ huwa essenzjali li l-organizzazzjoni u t-tħaddim tagħha jseħħu bl-involviment qawwi tal-istituzzjonijiet qrib il-livell tal-kumpaniji. Il-parteċipazzjoni qawwija tal-imsieħba soċjali twassal biex dawn jidentifikaw mas-sistema u jagħmluha tagħhom (“koproprjetarji tas-sistema”). Barra minn hekk, jinħtieġu wkoll ir-responsabbiltà u r-rieda tal-impjegaturi. Anke jekk Stati Membri oħra ma jkunux jistgħux jimplimentaw sistema ta' tagħlim komprensiva fil-perjodu qasir, jistgħu pereżempju jittestjaw korsijiet ta' taħriġ doppju ma' grupp fiss ta' kumpaniji fl-istess settur. Għaldaqstant, l-imsieħba soċjali settorjali għandhom jistabbilixxu standards u ċertifikati komuni fil-qasam tat-taħriġ. Possibbiltà oħra tista' tkun kooperazzjoni msaħħa bejn l-iskejjel individwali, fil-kuntest tal-awtonomija tagħhom, u kumpaniji individwali, bħal pereżempju l-każ fil-Polonja.

3.4.6

Tul dawn l-aħħar snin Malta ħadet passi konsiderevoli f'din id-direzzjoni bil-korsijiet tal-Malta College of Arts, Science and Technology (MCAST) fejn parti mit-taħriġ isir direttament fi ħdan il-kumpaniji. Mill-284 student li wettqu t-taħriġ prattiku tagħhom mal-Lufthansa Malta, 163 minnhom ġew offruti impjieg.

3.4.7

Rikonoxximent ta' kwalifiki miksuba b'mod informali Il-validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim b'mod partikolari l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi, li jinkisbu permezz tat-tagħlim mhux formali u informali jista' jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-impjegabbiltà u l-mobbiltà, kif ukoll biex tiżdied il-motivazzjoni għal tagħlim tul il-ħajja, partikolarment fil-każ ta’ persuni żvantaġġati soċjoekonomikament jew dawk bi kwalifiki baxxi.

3.4.8

Fi żmien meta l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja kriżi ekonomika serja li kkawżat żieda fil-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ, u fil-kuntest ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ, il-validazzjoni tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti kollha hija importanti aktar minn qatt qabel għat-titjib tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol, il-promozzjoni tal-mobbiltà u t-tisħiħ tal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku.

3.5   Miżuri għall-iffaċilitar tat-tranżizzjoni mill-iskola lejn l-impjieg

3.5.1

Miżuri ta' kwalifiki u taħriġ (vokazzjonali): in-nuqqas ta' esperjenza tax-xogħol huwa punt essenzjali li jżomm lill-kumpaniji lura milli jimpjegaw liż-żgħażagħ fi żminijiet ekonomiċi diffiċli. It-taħriġ purament tekniku mingħajr il-ħtieġa ta' applikazzjoni prattika tal-għarfien qiegħed dejjem jostakola l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

3.5.2

“Thinking outside the box on recruitement” huwa proġett Litwan bil-għan li jipprepara liż-żgħażagħ għall-post tax-xogħol u jipprovdilhom taħriġ prattiku f'intrapriżi adatti. L-“Implacementstiftungen” (16) tas-Servizz tal-Impjieg Pubbliku tal-Awstrija jaħdem b'mod simili, fejn l-intrapriżi li ma jistgħux isibu l-persunal li jirrikjedu jitlaqqgħu ma' persuni li jkunu qed ifittxu impjieg u li jkun jonqoshom parti minn taħriġ għal xogħol partikolari. L-ispejjeż tat-taħriġ u tal-għajxien jinqasmu bejn is-servizz għall-impjieg u l-kumpaniji. Il-valutazzjonijiet juru li madwar 75 % tal-parteċipanti jkunu sabu xogħol tliet xhur wara l-parteċipazzjoni tagħhom f'tali programmi.

3.5.3

Il-ftehimiet li saru fi Franza fl-2011 bejn l-imsieħba soċjali interprofessjonali wasslu għat-tfassil ta' miżuri speċifiċi biex jgħinu liż-żgħażagħ li għandhom edukazzjoni skolastika sekondarja (jew terzjarja) isibu impjieg. Ingħatat enfasi prinċipali t-taħriġ fil-mili tal-applikazzjonijiet. Skont valutazzjoni minnhom l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol kienet ogħla fost dawk li pparteċipaw f'dan il-programm (65 %) – jiġifieri 18 % ogħla mill-grupp pari.

3.5.4

Fl-Irlanda, bl-għajnuna tal-programm “Job Bridge” (17), iż-żgħażagħ li jkunu rċevew minn tal-anqas 78 ġurnata ta' għajnuna soċjali ġew offruti apprendistati ta' minn 6 sa 9 xhur f'kumpanija partikolari. Dawn l-apprendisti jaqilgħu EUR 50 fil-ġimgħa flimkien mal-benefiċċji soċjali. Ta' min jikkunsidra b'mod kritiku wkoll li l-individwi li pereżempju jsegwu taħriġ u jaħdmu part-time fl-istess ħin, wara t-taħriġ tagħhom ma jistgħux jibbenefikaw minn dan il-programm għaliex mhumiex benefiċjarji ta' għajnuna soċjali. Fil-fehma tal-Kumitat il-miżuri ta' attivazzjoni għandhom jibdew aktar kmieni peress li perjodu twil ta' stennija jiskoraġġixxi lin-nies minflok iħeġġiġhom biex jaħdmu.

3.5.5

Fl-2011, l-“iScottish council for voluntary organisations” nieda l-programm “Community Jobs Scotland”. Dan huwa immirat lejn iż-żgħażagħ qiegħda u jinvolvi ħidma mal-organizzazzjonijiet tal-għajnuna soċjali biex liż-żgħażagħ bi kwalifiki għoljin kif ukoll bażiċi joffrulhom possibbiltajeit ta' impjieg ta' minn 6 sa 9 xhur f'għadd ta' setturi differenti. Iż-żgħażagħ jingħataw xogħol reali, ikollhom jgħaddu mill-proċess ta' applikazzjoni u jirċievu paga u aktar taħriġ. Ipparteċipaw aktar minn 4  000 żagħżugħ u żagħżugħa li 47,3 % minnhom ġew impjegati direttament u 63,6 % setgħu jibbenefikaw indirettament minn aktar taħriġ u volontarjat.

3.5.6

Fid-Danimarka, it-trejdjunjins u l-fondi tax-xogħol flimkien mal-impjegaturi pubbliċi u privati qed joħolqu apprendistati għaż-żgħażagħ li lestew it-taħriġ tagħhom sabiex jipprovduhom bl-esperjenza tax-xogħol u l-ispeċjalizzazzjoni fil-qasam ta' għarfien tagħhom. Medja ta' 60 % tal-persuni li jkunu wettqu apprendistati ta' dan it-tip isibu impjieg. Iċ-ċifri eżatti ser jiġu ppubblikati ma' tmiem-il proġett f'April 2014.

3.5.7

Bis-saħħa tal-proġett Sloven tal-ILO “moje Izjusnje” (18) (L-esperjenza tiegħi), li huwa pjattaforma onlajn fejn l-istudenti jistgħu jtellgħu l-esperjenza tax-xogħol tagħhom, tinħoloq rabta bejn l-istudenti u l-impjegaturi. Barra minn hekk, ser jinħarġu ċertifikati li jikkonfermaw l-esperjenza tax-xogħol.

3.5.8

Fi Spanja, il-Fondazzjoni Novia Salcedo li hija organizzazzjoni kulturali privata u mhux bi skop ta' qligħ toffri programm fejn l-apprendistati jakkumpanjaw lil gradwati professjonali f'taħlita ta' tagħlim teoretiku u esperjenza prattika tax-xogħol fil-kumpaniji. Il-valutazzjoni wriet li aktar minn 52,23 % individwu rċieva impjieg wara li lesta l-programm.

3.5.9

Fir-Repubblika Ċeka, l-impjegaturi u l-organizzazzjonijiet professjonali huma msieħba fil-proġett “POSPOLU” (“FLIMKIEN”) li jaħdem favur tibdil fil-forma organizzattiva tat-taħriġ u t-tisħiħ ta' taħriġ ibbażat fuq il-post tax-xogħol, fejn jitwaqqfu sħubijiet bejn l-iskejjel u l-intrapriżi u jitfasslu proposti għal tibdil fil-kontenut tat-taħriġ. Prinċipalment, il-proġett jiffoka fuq it-taħriġ fil-qasam tal-inġinerija mekkanika, elettrika u ċivili, it-trasport u l-IT.

3.5.10

Fil-Portugall, in-netwerk taċ-Ċentri Teknoloġiċi jippromovi żewġ proġetti (“Think Industry” u “F1 in Schools”) li jiffokaw fuq il-ħiliet industrijali ġodda meħtieġa mis-suq tax-xogħol, jużaw approċċ prattiku għall-aħħar li jinvolvi t-tisħiħ tal-użu ta' għodod u makkinarju u jipprovdu t-tagħrif meħtieġ biex tinbena karozza reali żgħira (mini) tal-F1 u biex l-idea/il-proġett jitqiegħdu fis-suq. L-iskejjel u l-industrija ħolqu sħubijiet intiżi biex ibiddlu r-reputazzjoni tal-karrieri industrijali fost l-istudenti żgħażagħ u jiddiriġuhom lejn il-bżonnijiet tas-suq (19).

3.5.11

Fl-Italja jeżisti programm għall-perjodu ta' bejn l- 2014 u l-2016 li jippermetti lill-istudenti tal-aħħar sentejn tal-iskejjel sekondarji jqattgħu perjodu f'kumpanija billi jintuża aħjar il-kuntratt tal-apprendistat.

3.5.12

Il-promozzjoni tal-mobbiltà: il-promozzjoni tal-mobbiltà transkonfinali taż-żgħażagħ għal finijiet ta' esperjenza tax-xogħol tista' tgħin ukoll biex tingħeleb il-qabża bejn l-edukazzjoni purament teoretika u l-ewwwel impjieg.

3.5.13

Il-ftehim bilaterali bejn il-Ġermanja u Spanja li ser jipprovdi opportunitajiet ta' impjieg u ta' taħriġ għal madwar 5  000 żgħażugħ u żgħażugħa Spanjoli sal-2017 huwa eżempju ta' dan. B'mod simili, l-għan tal-programmi ta' appoġġ Ġermaniżi “The job of my life” u “Make it in Germany” huwa li jġibu liż-żgħażagħ lejn il-Ġermanja biex iwettqu taħriġ f'xogħolijiet fejn m'hemmx biżżejjed professjonisti. Dawn jingħataw kors preparatorju f'pajjiżhom, u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta' rilokazzjoni u ta' kors tal-lingwa fil-Ġermanja jiġu rimborżati biex jippreparaw ruħhom għall-apprendistat. F'każ li l-impjegatur ikun kuntent wara t-tlestija tal-apprendistat, jista' jiġi segwit taħriġ ta' bejn 3 snin u 3 snin u nofs. Apparti r-rimborż tat-taħriġ jingħata appoġġ finanzjarju u ż-żgħażagħ jirċievu għajnuna fl-iskola, ix-xogħol u l-ħajja ta' kuljum.

3.5.14

Il-programm “Integration durch Austausch” (Integrazzjoni permezz tal-iskambju) jappoġġja l-integrazzjoni professjonali ta' gruppi ta' individwi li għandhom diffikultajiet biex jaċċessaw is-suq tax-xogħol u dan isir bl-akkwist ta' esperjenzi prattiki tax-xogħol f'pajjiżi oħra tal-UE. Ir-reviżjoni ta' nofs it-term ta' dan il-programm ikkofinanzjat mill-FSE wera li sitt xhur wara t-tkomplija tal-iskambju tal-programm IdA 41 % tal-parteċipanti sabu impjieg, 18 % lestew taħriġ, 7 % marru l-iskola u 4 % lestew kors ta' studju.

3.5.15

Sabiex ikun hemm bilanċ aħjar bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol tinħtieġ riforma tal-EURES. Il-KESE ser jesprimi ruħu f'dan ir-rigward f'opinjoni oħra. Madankollu l-element ewlieni ser ikun li l-EURES jintuża bħala strument tal-politika tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri kollha u mhux biss f'uħud minnhom u l-postijiet battala ser jiġu ppublikati wkoll hemmhekk. L-inizjattiva “Your first EURES job” (20) hija wkoll eżempju tajjeb tal-promozzjoni tal-mobbiltà transkonfinali tal-ħaddiema żgħażagħ billi jingħataw l-ewwel impjieg (mhux taħriġ jew apprendistat) permezz ta' sovvenzjoni għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba minħabba li jkun ġie aċċettat impjieg f'pajjiż ieħor.

3.5.16

Għat-tqabbil aħjar tal-ħiliet huwa essenzjali li jiġu stabbiliti osservatorji għall-anteċipazzjoni u l-identifikazzjoni bikrija tal-ħiliet meħtieġa. Dan għandu jsir fil-livell reġjonali u/jew settorjali bil-kooperazzjoni tal-imsieħba soċjali sabiex id-diversi bidliet ekonomiċi, legali kif ukoll tekniċi jkunu jistgħu jiġu indirizzati malajr u biex il-ħtiġijiet tal-kumpaniji u tas-suq tax-xogħol ikunu iktar ċari.

3.6   Miżuri għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ żvantaġġati

3.6.1

Iż-żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali jirrikjedu wkoll appoġġ speċjali sabiex isibu triqithom fis-suq tax-xogħol. Fl-Awstrija, dan jiġi żgurat permezz tal-programm “Jobcoaching” (21) li jgħin lill-persuni b'diżabbiltà jew li għandhom diffikultajiet tat-tagħlim permezz ta' għoti ta' pariri u appoġġ individwali tul l-ewwel xhur f'impjieg ġdid. Dan l-appoġġ huwa disponibbli għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-intrapriżi.

3.6.2

F'Wales, il-proġett “Intermediate Labour Market” nħoloq speċifikament għan-NEETs u joffri liż-żgħażagħ li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol programm strutturat tajjeb u opportunitajiet ta' impjieg. Dan il-proġett għandu jimmotiva liż-żgħażagħ biex isibu impjieg, irawwem fihom regoli ġenerali ta' kondotta, jipprovdilhom il-kwalifiki bażiċi u jgħinhom japplikaw għal impjieg. Minn 249 parteċipant 35 sabu xogħol.

3.6.3

Il-proġett “Equality of Opportunity” (22) imfassal għall-intrapriża U.S. Steel Kosice huwa eżempju ta' integrazzjoni tal-persuni mbiegħda ħafna mis-suq tax-xogħol. Dan il-proġett jiffoka b'mod speċifiku fuq l-impjieg u t-taħriġ tar-Rom li jkunu ġejjin miż-żona ta' madwar Kosice, li għalihom dan sikwit ikun l-ewwel kuntatt mas-suq tax-xogħol. Mill-2002 'il hawn, inħolqu aktar minn 150 impjieg għal dawn ir-Rom.

3.6.4

Il-programm Belġjan “Activa” (23) jipprovdi liż-żgħażagħ b'livell baxx ta' kwalifiki u li jkunu taħt il-25 sena u jkunu ilhom tal-inqas 12-il xahar qiegħda tnaqqis fil-kontributi soċjali tal-impjegatur kif ukoll sussidju fuq il-paga matul għoxrin xahar.

3.7   Miżuri għar-rifoma tas-suq tax-xogħol

3.7.1

Skont il-Forschungsinstitut zur Zukunft der Arbeit (Istitut ta' Riċerka dwar il-ġejjieni tax-Xogħol) “f'ħafna pajjiżi Ewropej il-kuntratti tax-xogħol definiti ilhom li ġew liberalizzati mit-tmeninijiet sabiex jinħolqu aktar opportunitajiet tax-xogħol mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija, li hija żviluppata sew f'ħafna pajjiżi.” (24) Dan wassal biex kull ma jmur iż-żgħażagħ qed jiġu offruti biss kuntratti tax-xogħol definiti, mingħajr ma jkollhom il-possibbiltà li jinqalbu f'kuntratti indefiniti. Għalkemm huwa minnu li fi żminijiet ta' kriżi sistema b'saħħitha ta' protezzjoni kontra t-tkeċċija tipproteġi lill-impjegati li jkunu ilhom jaħdmu minflok liż-żgħażagħ, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika inċerta din is-sistema tikkostitwixxi ostaklu għar-reklutaġġ ta' ħaddiema żgħażagħ mingħajr esperjenza u b'hekk issaħħaħ il-frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol.

3.7.2

Il-Kumitat jirrakkommanda li, b'mod partikolari fl-Istati Membri b'rata ogħla ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, jkomplu jiġu implimentati riformi fis-suq tax-xogħol bl-involviment tal-imsieħba soċjali sabiex jinstab l-aħjar bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà. Huwa minnu li r-riformi ser ikollhom impatt biss fil-perjodu medju, madankollu, fil-qafas tal-irkupru ekonomiku jistgħu jagħtu kontribut konsiderevoli għat-tnaqqis rapidu tal-qgħad fost iż-żgħażagħ.

3.8   Inċentivi għall-intrapriżi biex jirreklutaw liż-żgħażagħ

3.8.1

Sabiex tiġi ffaċilitata d-deċiżjoni tal-intrapriżi li jirreklutaw lil żgħażagħ mingħajr esperjenza jista' jkun utli li jiġu provduti inċentivi addizzjonali li sikwit jieħdu l-forma ta' sussidji tal-pagi jew tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet għall-iskemi tas-sigurtà soċjali. Huwa importanti li jiġi żgurat li dan ma jwassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u għall-erożjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Pereżempju l-għajnuna tal-HRDA (Human Resource Development Authority of Cyprus) (25) lill-intrapriżi Ċiprijotti li jipprovdu programmi ta' taħriġ għal ħaddiema żgħażagħ. B'mod partikolari l-SMEs jistgħu jużaw din l-għajnuna biex jikkompensaw għat-telf relatat fil-produzzjoni fil-fażijiet inizjali ta' taħriġ ta' rekluti ġodda.

3.8.2

Permezz tal-karta Finlandiża “Sanssi” (26), iż-żgħażagħ kollha qiegħda u taħt it-30 sena huma żgurati li l-impjegatur jista' jitlob sussidji fil-pagi għal 10 xhur.

3.8.3

L-Ungerija għażlet li toffri inċentiv lill-kumpaniji li jiddeċiedu li jimpjegaw lil żgħażagħ ta' anqas minn 25 sena- billi tnaqqas għal perjodu determinat il-paga gross u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

3.8.4

Fl-Italja, il-kumpaniji għandhom inċentiv fiskali għal finijiet ta' sigurtà soċjali għal 12-il xahar jekk jirreklutaw b'kuntratt indefinit żgħażagħ ta' bejn it-18 u d-29 sena li jkunu ilhom tal-anqas 6 xhur mingħajr impjieg b'paga regolari jew ma jkollhomx kwalifiki tal-iskola sekondarja jew vokazzjonali.

3.9   Miżuri ta' promozzjoni u ta' intraprenditorija

3.9.1

Il-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali sabiex jiġu appoġġjati t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi huwa wieħed mit-tliet pilastri tal-“Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 – tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa” (27) Permezz tal-“permess tal-intraprenditur (Unternehmerführerschein)” (28) iż-żgħażagħ jistgħu jiksbu taħriġ dwar in-negozju u l-ekonomija tal-intrapriżi li, wara li jkunu għamlu eżami, jissostitwixxi ċ-ċertifikati meħtieġa fl-Awstrija għat-twettiq ta' attività indipendenti.

3.9.2

Permezz tal-Programm “Junior Company” l-istudenti ta' bejn il-15 u d-19-il sena joħolqu intrapriżi ġenwini għal tul is-sena skolastika u jqiegħdu fis-suq reali prodotti u servizzi li jkunu żviluppaw huma stess. B'hekk jistgħu jesperjenzaw direttament il-kompetenzi ekonomiċi.

3.9.3

Il-proġett “Extraordinary EducationTM” jippermetti liż-żgħażagħ li jittestjaw idea ta' intrapriża f'ambjent informali u dan jittrażmettilhom kompetenzi bażiċi fil-qasam tal-intraprenditorija u l-komunikazzjoni independentament mill-età jew il-lingwa.

3.9.4

Sabiex jiġi żgurat li l-intrapriżi ġodda jkollhom aċċess għall-finanzjament u jitħeġġu joħolqu l-impjiegi, ir-Rumanija teżentahom mill-ħlas ta' spejjeż tar-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, jingħataw eżenzjonijiet fiskali għal bejn 2 sa 4 ħaddiema, self b'limitu ta' EUR 10  000 li jkopri 50 % tal-pjan ta' attività u 80 % tas-self jiġi garantit mill-gvern. Bejn l-2011 u Marzu tal-2014 b'kollox ġew stabbiliti 12  646 SMEs u nħolqu 22  948 post tax-xogħol. Ingħalqu biss 188 SME. Dan il-programm ta' suċċess ser jitkompla wkoll fl-2014.

Brussell, 4 ta' Ġunju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Eurostat – Unemployment statistics (Eurostat – Statistika dwar il-Qgħad) (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Eurostat – Statistics_explained – Youth_unemployment.

(3)  Eurofound – NEETs.

(4)  Opportunitajiet għaż-żgħażagħ u l-pakkett għall-impjieg taż-żgħażagħ

(5)  Framework of actions on youth employment (Qafas ta' azzjonijiet dwar l-impjieg għaż-żgħażagħ) (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 1; ĠU 68, 6.3.2012, p. 11; ĠUC 143, 22.5.2012, p. 94; ĠU C 299, 4.10.2012, p. 97; ĠUC 191, 29.6.2012, p. 103; ĠU C 11,15.1.2013, p. 8-15; ĠU C 161, 6.6.2013, p. 67-72; ĠU C 327, 12.11.2013, p. 58-64; ĠU C 133, 9.5.2013, p. 77-80; ĠU C 271, 19.9.2013, p. 101; CCMI/118 – EESC-2013-05662-00-00-AS-TRA (Relatur: Fornea, Korelatur: Grimaldi); għad mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(7)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-eu-policies-youth-employment

http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-skill-mobility-competitiveness

(8)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 67

(9)  Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati

(10)  Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES)

(11)  Niftħu l-edukazzjoni

(12)  Töchtertag.

(13)  NEBA – Jugendcoaching.

(14)  Joblinge.

(15)  Alleanza Ewropea għall-Apprendistati

(16)  http://www.ams.at/wien/sfu/14359.htmlhttp://www.implacement-stiftung.at/

(17)  Jobbridge.

(18)  http://youthpractices.org/assessment.php; p. 36.

(19)  http://www.f1inschools.com/

(20)  European Commission – Your first EURES job.

(21)  NEBA – Jobcoaching.

(22)  U.S. Steel Kosice – Equality of Opportunity.

(23)  Il-Belġju - Activa.

(24)  IZA – Jugendarbeitslosigkeit in Europa(Il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa).

(25)  Ċipru - Scheme for the job placement and training of tertiary education (skema ta' kollokament f'impjieg u t-taħriġ tal-edukazzjoni terzjarja)

(26)  Finlandja – Karta Sanssi.

(27)  COM(2012) 795 final.

(28)  L-Awstrija - Unternehmerführerschein.


26.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/9


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi kummerċjali u l-fehma tal-KESE dwar kooperazzjoni mtejba u ftehim ta' kummerċ ħieles eventwali bejn l-UE u l-Istati Uniti”

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

2014/C 424/02

Relatur:

is-Sur Krawczyk

Korelatur:

is-Sur Boyle

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-11 ta’ Lulju 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi kummerċjali u l-fehma tal-KESE dwar kooperazzjoni mtejba u ftehim ta' kummerċ ħieles eventwali bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Mejju 2014.

Matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta' Ġunju 2014 (seduta tal-4 ta Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'187 vot favur, 7 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat jemmen li Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) li jkollha suċċess tista' tkun fattur sinifikanti fil-ħolqien ta' tkabbir reali u ottimiżmu fl-UE. Billi l-irkupru ġenerali mill-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008 qed jieħu ż-żmien, ftehim ibbilanċjat jista' jgħin l-irkupru tal-ekonomija Ewropea lejn it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.

1.2

Il-Kumitat jilqa' l-opportunitajiet sinifikanti li joffri ftehim kummerċjali wiesa' bejn l-UE u l-Istati Uniti mhux biss għall-espansjoni tal-kummerċ u l-investiment fl-Atlantiku iżda anki għall-kontribut li jista' jagħti fl-iżvilupp ta' regoli u standards globali mtejba li jkunu ta' benefiċċju għas-sistema kummerċjali multilaterali nnifisha.

1.3

Fid-dawl tax-xewqa mifruxa u leġittima taċ-ċittadini Ewropej għal trasparenza sħiħa tan-negozjati kummerċjali, il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni koerenti u preċiża tal-Artikolu 218 tat-TFUE, b'mod partikolari l-inċiż 10 “Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura”.

1.4

B'konformità mat-Trattat ta' Lisbona huwa kruċjali li l-Kummissjoni tagħraf ir-rwol istituzzjonali tal-KESE fin-negozjati tat-TTIP. Hemm bżonn ta' livelli massimi ta' trasparenza u konsultazzjoni mal-Kumitat u partijiet interessati oħra tas-soċjetà ċivili biex kwalunkwe ftehim ikollu l-appoġġ wiesa' tal-pubbliku. Id-dokumenti għandhom jaslu għand il-partijiet interessati fl-iktar fażi bikrija possibbli.

1.5

Huwa importanti li l-benefiċċji tat-TTIP jinfirxu b'mod ugwali fil-komunità kummerċjali, il-ħaddiema, il-konsumaturi u ċ-ċittadini.

1.6

Hekk kif jibdew in-negozjati u jibdew ħerġin ir-riżultati tal-valutazzjonijiet ta' impatt, it-tbassir statistiku u ekonomiku għandu jiġi aġġornat u segwit.

1.7

Il-benefiċċji prinċipali tat-TTIP ser ikunu fil-qasam regolatorju. Huwa importanti ħafna li ż-żewġ partijiet jiżguraw li t-TTIP mhux ser inaqqas l-istandards eżistenti. Huwa kruċjali li dan l-impenn jiġi rispettat sabiex jinkiseb l-appoġġ wiesa' tal-pubbliku u tal-qasam politiku. Il-Kumitat iżomm id-dritt li jeżamina r-riżultat finali fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha.

1.8

Għall-kuntrarju ta' kważi kull ftehim ta' kummerċ bilaterali, l-iffrankar u l-benefiċċji potenzjali tat-TTIP jinsabu fl-ostakli kummerċjali non-tariffarji. Minkejja li madwar 20 % tal-iffrankar għandu jirriżulta mit-tnaqqis fit-tariffi, hemm żidiet qawwija f'ċerti industriji prinċipali li għandhom jiġu indirizzati. Fil-qasam tal-aċċess għas-suq ir-reċiproċità hija importanti.

1.9

Hemm bżonn ukoll ta' kapitlu dwar l-iżvilupp kummerċjali u sostenibbli, element tant mistenni mis-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

1.10

L-investiment trans-Atlantiku jista' jaqdi rwol importanti biex jistimula t-tkabbir. Il-proposta li tiġi inkluża proċedura ta' Riżoluzzjoni tat-Tilwim bejn l-Investitur u l-Istat (ISDS) qajmet tħassib konsiderevoli fost il-pubbliku fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Il-Kummissjoni tat bidu għal konsultazzjoni pubblika online 'Il-Ħarsien tal-Investitur u l-ISDS fil-ftehim tat-TTIP' u huwa essenzjali li jkun hemm djalogu trasparenti u inklużiv fl-aħħar ta' dan il-proċess. Il-KESE jista' jaqdi rwol importanti biex jiffaċilitah.

1.11

It-TTIP iġġenera interess kbir fost il-livelli kollha tas-soċjetà ċivili fl-UE u l-Istati Uniti. Il-KESE diġà stabbilixxa kuntatti tajba ma' organizzazzjonijiet kummerċjali, tat-trade unions, agrikoli, tal-konsumatur u ambjentali fl-Istati Uniti. Ir-rieda li tinżamm u tkompli tiġi żviluppata din il-pożizzjoni qegħda hemm u l-KESE qiegħed f'pożizzjoni tajba biex jippromovi u jħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni kontinwi.

1.12

Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li grupp ta' monitoraġġ tal-KESE ta' tliet membri se jingħata aċċess għal dokumenti taħt kundizzjonijiet ugwali għal dawk tal-Grupp ta' Konsulenza ta' Esperti stabbilit mill-Kummissjoni. Il-Kumitat iqis dan bħala r-rikonoxximent tar-rwol li jaqdi bħala istituzzjoni ta' konsultazzjoni uffiċjali taħt it-Trattat ta' Lisbona.

Rakkomandazzjonijiet

1.13

It-TTIP għandu jiġi rikonoxxut mill-KESE bħala prijorità kontinwa tul in-negozjati kollha u l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe ftehim. Il-KESE għandu jsegwi mill-qrib l-aspetti kollha tan-negozjati tat-TTIP. Għandu jiġi adottat approċċ speċifiku għall-proġett u għandhom jiġu identifikati l-oqsma li huma tal-iktar benefiċċju għall-ħidma futura identifikata fil-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili tal-UE u l-Istati Uniti u l-Kummissjoni Ewropea.

1.14

L-approċċ lejn il-koerenza regolatorja għandu jkun ambizzjuż u trasparenti u l-aqwa prattiki għandhom ikunu l-bażi tan-negozjati. Huwa essenzjali li l-partiti jżommu mal-garanzija li jkunu taw li mhux ser ibaxxu l-istandards.

1.15

Il-ftehim għandu jinkludi mekkaniżmi effettivi u kooperazzjoni regolatorja li jiffaċilitaw il-konsultazzjoni bikrija dwar regolamenti ġodda li jistgħu jolqtu l-interessi ta' kwalunkwe parti. Dan m'għandux jippreġudika d-dritt tal-UE, tal-Istati Membri tagħha jew tal-Istati Uniti li jirregolaw il-livell li jqisu li huwa adegwat dwar kwistjonijiet bħall-ħarsien tas-saħħa, il-konsumatur, ix-xogħol u l-ħarsien ambjentali.

1.16

Iż-żewġ partijiet għandhom ikunu ambizzjużi dwar it-tariffi u jiftiehmu li jeliminawhom u/jew jeliminawhom gradwalment inkluż fl-oqsma sensittivi. Dan għandu jsir b'mod li jibbenefika liż-żewġ naħat.

1.17

In-negozjati kummerċjali bilaterali m'għandhomx idgħajjfu l-impenn tal-UE lejn id-WTO u ftehim multilaterali globali b'saħħtu.

1.18

Il-ftehim għandu jinkludi kapitlu tajjeb dwar l-iżvilupp sostenibbli. L-elementi essenzjali tiegħu għandhom ikunu:

Il-partijiet għandhom jenfasizzaw l-obbligi tas-sħubija fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).

It-tmien konvenzjonijiet prinċipali tal-Konvenzjonijiet tal-ILO kif intlaqgħu mid-Dikjarazzjoni tad-WTO ta' Singapore fl-1996 għandhom ikunu l-bażi minima.

Li jenfasizzaw impenn komuni lejn l-implimentazzjoni, il-promozzjoni effettiva u t-tisħiħ tal-leġislazzjoni u l-inizjattivi fil-qasam tal-ambjent.

Impenn li jiżgura u jippromovi l-ħarsien, l-użu sostenibbli u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali u ftehimiet ambjentali multilaterali prinċipali.

1.19

Il-KESE għandu jiffaċilita djalogu miftuħ dwar il-kwistjoni tal-ISDS dwar it-tkomplija tal-Konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ħarsien tal-Investitur u l-ISDS fil-ftehim tat-TTIP. Sabiex tassistih il-Kummissjoni għandha tiċċara kif ser tivvaluta u tikkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni u tipprovdi definizzjoni preliminari għal termini bħal “frivoli”, fir-rigward tal-għan iddikjarat ta' “eliminazzjoni ta' stqarrijiet frivoli”, jew “skop pubbliku” fir-rigward ta' eċċezzjonijiet previsti għall-projbizzjoni fuq l-esproprijazzjoni.

1.20

Bħala parti mill-ħidma kontinwa fuq il-proġett tat-TTIP, il-KESE għandu jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar l-ISDS.

1.21

Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni ta' kapitlu dedikat lill-kwistjonijiet tal-SMEs.

1.22

L-ispeċifiċità tas-servizzi pubbliċi tal-UE għandha titħares b'konformità mal-obbligi tat-TFUE.

1.23

Huwa importanti ħafna wkoll li tiġi żgurata provvista ta' enerġija affidabbli u aċċess għal materja prima strateġika. It-TTIP għandu jippromovi wkoll l-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli u jiggarantixxi d-dritt ta' kull parti li żżomm jew tistabbilixxi standards u regolamenti fil-qasam filwaqt li taħdem biex tikseb sa fejn hu possibbli l-konverġenza bejn l-istandards domestiċi tal-UE u l-Istati Uniti.

1.24

Huwa essenzjali li jiġi applikat aċċess ugwali għall-akkwist pubbliku fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Kwalunkwe dispożizzjoni m'għandhiex tfixkel il-kapaċità tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tal-awtoritajiet reġjonali u lokali li jżommu mal-politiki soċjali u ambjentali li jkunu qablu dwarhom b'mod demokratiku.

1.25

Iż-żewġ partijiet ta' dan il-ftehim għandhom jagħrfu li l-promozzjoni u l-ħarsien tal-interessi tal-konsumatur huma importanti sabiex jinkiseb appoġġ pubbliku miftuħ għal kwalunkwe ftehim.

1.26

Għandhom jiġu meqjusa l-kriterji attwali tal-UE dwar l-agrikoltura u l-prodotti agroalimentari, kif ukoll jiġi rispettat il-prinċipju ta' prekawzzjoni mħaddan fit-Trattat ta' Lisbona.

1.27

Fin-negozjati tat-TTIP għandu jinstab mod prattiku ta' kif tinkiseb ċertezza legali għall-kummerċ ibbażata fuq indikaturi ġeografiċi.

1.28

Is-sessjonijiet ta' informazzjoni għas-soċjetà ċivili fl-aħħar ta' kull ċiklu ta' negozjati għandhom jinżammu tul in-negozjati kollha u għandhom itulu sal-aħħar fażi ta' konsultazzjoni qabel l-inizjalizzazzjoni. Dawn is-sessjonijiet ta' informazzjoni jirċievu aktar appoġġ mill-pubbliku li kieku l-Kummissjoni Ewropea kellha tagħmilha ċara li huma konsultattivi u li l-fehmiet espressi mill-partijiet interessati se jiġu kkunsidrati kif xieraq min-negozjaturi.

1.29

Mekkaniżmu tal-monitoraġġ tas-soċjetà ċivili tajjeb għandu jkun komponent essenzjali ta' kwalunkwe ftehim. Dan għandu jistabbilixxi l-obbligu għal kull parti li tikkonsulta r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-post permezz ta' grupp konsultattiv domestiku li jipprovdi rappreżentazzjoni bilanċjata tal-interessi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Min-naħa tal-UE, il-KESE għandu jkun parti essenzjali minn dan il-mekkaniżmu. Il-grupp konsultattiv domestiku għandu:

ikollu l-awtorità li jindirizza r-rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet domestiċi u lill-awtoritajiet politiċi konġunti (eż. il-kumitat konġunt dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli) tal-ftehim u li l-awtoritajiet politiċi għandhom jindirizzaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet b'mod effettiv fiż-żmien allokat;

ikun jista' jirċievi sottomissjonijiet formali minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħra fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli u li dawn jaslu għand l-awtoritajiet politiċi biex jagħtu r-reazzjoni tagħhom;

jingħata d-dritt li joħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet bħala segwitu għal sottomissjonijiet tal-partijiet terzi.

ikollu l-possibbiltà taħt ċertu kundizzjonijiet li jitlob lill-partijiet jibdew proċedura ta' konsultazzjoni jew ta' soluzzjoni għat-tilwim f'każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet tal-kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli.

1.30

Huwa essenzjali wkoll li jkun hemm dispożizzjoni għall-mekkaniżmi tal-monitoraġġ domestiċi taż-żewġ partijiet li jiltaqgħu minn tal-inqas darba fis-sena bħala korp konġunt sabiex jirrevedu l-implimentazzjoni tal-kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli u jindirizzaw komunikazzjonijiet konġunti u rakkomandazzjonijiet lill-partijiet.

1.31

Għandhom jiġu attivati d-Djalogi Trans-Atlantiċi dwar l-Impjieg u l-Ambjent provduti mill-Kunsill Trans-Atlantiku Ekonomiku. Din sejħa li l-KESE għamilha wkoll fl-Opinjoni tiegħu li ħarġet f'Marzu 2009 (1).

1.32

Il-KESE għandu jistabbilixxi Grupp ta' Kuntatt UE-Stati Uniti bħala prijorità immedjata.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fit-tnedija tad-diskussjonijiet dwar TTIP komprensiv bejn l-USA u l-UE ħarġet stqarrija konġunta tal-President tal-Kummissjoni Jose Manuel Barroso, tal-President tal-Kunsill Herman Van Rompuy u tal-President tal-Istati Uniti Barack Obama li qalet li, ''Permezz ta' dawn in-negozjati, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea mhux biss ser ikollhom l-opportunità li jespandu l-kummerċ u l-investiment fl-Atlantiku iżda jikkontribwixxu fl-iżvilupp tar-regoli globali li jistgħu jsaħħu s-sistema kummerċjali multilaterali.''

2.2

Din l-istqarrija tenfasizza l-potenzjal ta' dan il-ftehim li jistabbilixxi l-istandard f'kuntest multilaterali. Dan l-aħħar L-UE fetħet u f'ċerti każijiet għalqet negozjati dwar numru ta' ftehimiet kummerċjali bilaterali. Filwaqt li dawn jistgħu joffru potenzjal konsiderevoli, il-KESE jinsisti li jippreferi ftehim multilaterali f'saħħtu negozjat mid-WTO. Huwa importanti li l-UE tkompli miexja f'dit-triq u tibni fuq il-kisbiet modesti tal-Konferenza Ministerjali ta' Bali 2013.

3.   Kuntest politiku

3.1

Fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku kif ukoll fuq iż-żewġ naħat tal-qasma politika tal-Istati Uniti teżisti rieda politika kbira li r-riżultat tan-negozjati tat-TTIP ikun suċċess. L-għan għandu jkun li jiġu konklużi n-negozjati matul it-terminu tal-amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti.

3.2

Il-Kumitat jisħaq mill-ġdid fuq l-impenn lejn taħditiet ta' natura kordjali u pożittiva biex bil-mod jinkiseb riżultat. Ninsabu inkoraġġuti mill-fatt li ż-żewġ naħat affermaw li dawn in-negozjati mhux ser ibaxxu l-istandards attwali. Fid-dawl tas-sensittività qawwija ħafna u anke tal-bżonn urġenti għal trasparenza totali fl-istadji kollha tan-negozjati li l-KESE seta' josserva f'dawn ix-xhur fi ħdan il-komponenti kollha tas-soċjetà ċivili Ewropea, il-Kumitat ser isegwi mill-qrib in-negozjati u hu ħerqan li jara skambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward.

3.3

Il-Kumitat jinnota li kull fażi tan-negozjati, sa kwalunkwe ftehim eventwali, ser tirrikjedi ħafna appoġġ miċ-ċittadini Ewropej “direttament rappreżentati, fil-livell tal-Unjoni, mill-Parlament Ewropew” (Artikolu 10(2) tat-TUE). Għaldaqstant, il-KESE jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni applikazzjoni stretta tal-proċeduri indikati fl-Artikolu 218 tat-TFUE u b'mod partikolari, l-inċiż 10: Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura.).

3.4

Hemm bżonn sforz konsiderevoli mill-imsieħba fin-negozjati sabiex jikkonsultaw u jaġġornaw regolarment lis-soċjetà ċivili fil-proċess tan-negozjati. Hija essenzjali trasparenza sħiħa u importanti wkoll li d-dokumenti jaslu għand il-partijiet interessati mal-ewwel opportunità possibbli, sabiex ikun hemm ħin biżżejjed biex jitressqu kummenti kostruttivi f'waqthom fi stadju meta s-sustanza tagħhom tkun tista' titqies matul il-proċess ta' negozjar. Dan jassisti tranżizzjoni tajba meta tinħatar il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida.

3.5

L-atmosfera trans-Atlantika ħadet xejra iktar negattiva wara li ħareġ fid-dieher l-ispjunar tan-National Security Agency tal-Istati Uniti (NSA). Fi stqarrija li għamlet fit-18 ta' Novembru fil-Bundestag, il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel ħolqot rabta bejn il-kwistjoni sensittiva tal-NSA u n-negozjati kummerċjali attwali: “L-akkużi attwali kontra l-Istati Uniti qed jitfgħu piż fuq ir-relazzjoni trans-Atlantika u b'hekk ukoll fuq in-negozjati għal ftehim kummerċjali ħieles. L-akkużi huma serji. Neħtieġu spjegazzjoni u aktar importanti għall-futur, li tinbena fiduċja ġdida”. Il-Parlament Ewropew approva riżoluzzjoni (2) li tagħmilha ċara li l-kunsens tal-Parlament għal ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti ''jista' jkun f'periklu'' jekk l-NSA tal-Istati Uniti ma twaqqafx is-sorveljanza ġenerali tal-massa. Il-Kumitat jispera li permezz tad-diplomazija u r-rieda tajba tinstab soluzzjoni għall-problemi fil-qasam.

3.6

Il-prova l-kbira fuq it-twaqqif tal-fiduċja li hemm bżonn huma n-negozjati tat-TTIP. Importanti li fil-proċess niftakru fin-nota pożittiva tal-President tal-Uffiċċju Eżekuttiv fil-komunikazzjoni tiegħu lill-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti (Marzu 2013) li fuqha mxew in-negozjati: “Il-benefiċċji potenzjali jiġġustifikaw ferm l-isforz tagħna”. Huwa fl-istess spirtu li l-Kumitat iqis il-kunsiderazzjonijiet tiegħu.

4.   Studji tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tat-TTIP

4.1

Huwa ġust ix-xettiċiżmu dwar il-prospetti li n-negozjati jintemmu b'suċċess b'mod partikolari fid-dawl tal-esperjenzi preċedenti b'mod partikolari l-inizjattiva tal-1998 tas-Sur Leon Brittan u aktar reċenti d-Djalogi Trans-Atlantiċi tas-snin 2000. Sabiex niżguraw li mis-sitwazzjoni noħorġu rebbieħa t-tnejn, jeħtieġ li nikkunsidraw studji konġunti dwar il-prospetti tal-ħolqien tax-xogħol fiż-żewġ naħat u fejn jista' jkun hemm telf ta' impjieg. Madanakollu mhux ser jinħoloq impjieg mingħajr tkabbir. Ir-riżultat tal-istudju li sar fl-2010 mill-Copenhagen Economics fuq l-impatt tal-investiment barrani dirett fl-UE, li wera li mhux ser ikun hemm impatt negattiv kbir fuq l-impjiegi, huwa rilevanti f'dan il-kuntest.

4.2

L-UE għandha tkun ambizzjuża sabiex tikseb riżultat pożittiv fin-negozjati tat-TTIP. Fil-qasam tal-aċċess għas-suq ir-reċiproċità hija importanti. Studju reċenti (3), inkluż il-valutazzjoni tal-impatt li għamlet il-Kummissjoni juru li l-benefiċċji jistgħu jiġu biss minn ftehim komprensiv.

4.3

In-negozjati għandhom jibnu fuq is-suċċessi li kien hemm. Huwa kalkulat li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti attwalment tappoġġja 13-il miljun impjieg u kważi $3.9 triljuni f'investiment u tirrapreżenta 45 % tal-PDG globali.

4.4

Diġà sar tbassir statistiku intensiv. Iċ-Ċentru tar-Riċerka Ekonomika spekula li ftehim kompresiv ser iwassal għal żieda ta' EUR 119 biljun fil-PDG tal-UE u żieda ta' 95 biljun fl-Istati Uniti.

Il-Koalizzjoni Kummerċjali għan-Negozju Trans-Atlantiku stmat li t-TTIP joħloq 0.5 miljun impjieg imħallas fl-UE u l-Istati Uniti.

4.5

Jeżisti wkoll tbassir inqas pożittiv, pereżempju ċ-Ċentru għar-Riċerka Ekonomika u ta’ Politika (CEPR) ta stima li l-maġġoranza tax-xogħol ser jinħoloq fis-setturi li jitolbu livell baxx ta' ħiliet filwaqt li l-impjiegi fis-setturi li jitolbu livell għoli ta' ħiliet fil-qasam tal-elettronika fl-UE b'mod partikolari ser jonqsu. Huwa jistma li bejn 0,2 – 0,5 % tal-forza tax-xogħol tal-UE ser ikollha tibdel l-impjiegi b'riżultat tar-ristrutturar ekonomiku kkawżat mit-TTIP. Importanti li dan it-tibdil ikun rikonoxxut f'fażi bikrija u li tittieħed l-azzjoni adegwata fl-industriji/l-Istati Membri milquta sabiex jiġu rikonoxxuti l-ħiliet li jistgħu jiġu trasferiti u sabiex din il-forza tax-xogħol tiġi mħarrġa mill-ġdid.

4.6

It-TTIP mhux ser ikollu l-istess effett kullimkien, l-impatt ser ivarja fil-livelli nazzjonali, reġjonali u settorjali. Għalhekk waqt in-negozjati jeħtieġ li tkompli tiġi aġġornata u segwita l-istatistika; il-wegħda għandha titqabbel kontinwament mar-realtà.

4.7

Importanti ħafna li l-Kummissjoni tħeġġeġ u tkompli taġġorna ruħha fir-rigward ta' studji tal-valutazzjoni tal-impatt b'mod partikolari fl-oqsma tal-ħolqien tal-impjieg, il-mobbiltà tax-xogħol, il-kwalità tax-xogħol u l-applikazzjoni tat-teknoloġija.

4.8

Dawn l-istudji diġà jagħmlu parti mill-proċess tal-UE (pereżempju l-istudju tal-impatt dwar is-sostenibbiltà kummerċjali li qed twettaq bħalissa l-Kummissjoni Ewropea (4)) iżda importanti ħafna li dan għandu jkun proċess wiesa', miftuħ, trasparenti u kontinwament jinkludi l-kontribut tas-soċjetà ċivili. Il-Kumitat huwa ħerqan li jagħti l-kontribut essenzjali u regolari tiegħu. F'dan kollu hemm bżonn l-impenn permanenti u kostruttiv tas-soċjetà ċivili u r-rikonoxximent fundamentali tagħha. Din l-opinjoni hija l-ewwel kontribut tal-KESE fil-proċess.

4.9

Il-Kumitat iżomm id-dritt li jeżamina r-riżultat finali fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha.

5.   L-eliminazzjoni tat-tariffi fil-kummerċ trans-Atlantiku

5.1

Minkejja tariffi relattivament baxxi, jeżistu tariffi għolja fuq prodotti sensittivi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku bħat-tabakk, it-tessuti u l-ħwejjeġ, iz-zokkor, iż-żraben, il-prodotti tal-ħalib u xi ħxejjex. Barra minn hekk, l-Istati Uniti għandha tariffi għolja fuq ikel ipproċessat, preparazzjonijiet bil-laħam u l-ħut, ċereali, għaġin u ċikkulata. L-eliminazzjoni tat-tariffi f'dawn is-setturi, tista' tkun inċentiv partikolari għall-operaturi sabiex jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ta' esportazzjoni.

5.2

Barra minn hekk il-kummerċ trans-Atlantiku huwa karatterizzat minn ammont sinifikanti ta' kummerċ bejn l-intrapriżi stess u kummerċ tal-oġġetti intermedjarji. Il-prodotti finali ħafna drabi jirriżultaw minn katina tal-provvista relattivament kumplessa fejn anki tariffi żgħar jista' kollhom effett sinifikanti fuq il-kompetittività tal-prodott. Għalhekk, mill-ewwel jum tal-ftehin jeħtieġ li jiġi eliminat l-ogħla numru ta' tariffi. Għall-bqija tat-tariffi, il-perjodu ta' tranżizzjoni m'għandux jaqbeż il-ħames snin.

6.   Negħlbu d-differenzi fundamentali fil-qasam tar-regolamenti u t-twaqqif tal-istandards

6.1

Kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-UE huwa magħruf li l-potenzjal kbir tat-TTIP jinsab fil-qasam regolamentorju. Il-KESE jilqa' l-impenn sħiħ li wera n-negozjatur prinċipali tal-UE Ignacio Garcia Bercero fl-istqarrija tiegħu li ''dawn in-negozjati mhumiex – nirrepeti – mhumiex negozjati biex inbaxxu l-istandards.''

6.2

Dan punt fundamentali għall-KESE u huwa fl-isfond ta' din l-istqarrija u l-fatt li diġà rrepetiha n-negozjatur prinċipali tal-Istati Uniti Dan Mullaney matul il-laqgħa tas-soċjetà ċivili ta' Novembru 2013, li l-KESE f'din l-opinjoni ma jenfasizzax ftit mill-ħafna tħassib li jirriżulta jekk dan l-impenn ma jiġix rispettat kollu kemm hu.

6.3

L-Istati Uniti mhijiex biss l-ikbar imsieħeb kummerċjali tal-UE iżda wkoll imsieħeb li miegħu l-UE taqsam ħafna ideali u valuri. Is-similaritajiet bejn l-UE u l-Istati Uniti jegħlbu d-differenzi ta' bejnietna. Din sitwazzjoni rari u bażi eċċellenti għal riżultat ambizzjuż. Sabiex nimmassimizzaw il-potenzjal sħiħ tal-esportazzjonijiet għandna niffukaw fuq li neliminaw u nsolvu l-ostakli kummerċjali nontariffarji b'mod li jibbenefika liż-żewġ naħat filwaqt li nżommu l-livell attwali ta' ħarsien u standards taċ-ċittadini, il-konsumaturi, l-impjiegi u l-ambjent. Għandna nibnu fuq dan.

6.4

Madanakollu jeżistu approċċi differenti lejn it-twaqqif tar-regolamenti u l-istandards u ser ikun hemm bżonn li jiġu eżaminati aħjar f'bosta setturi bħal tal-kimika, is-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura il-vetturi bil-magna, il-kosmetiċi, it-tessuti u l-ħwejjeġ u l-farmaċewtika. Għandu jkun possibbli f'ħafna oqsma li jinkisbu benefiċċji għaż-żewġ naħat u dan permezz ta' koerenza regolatorja akbar, armonizzazzjoni u rikonoxximent reċiproku tal-ittestjar u l-valutazzjoni tal-konformità biex jinkisbu riżultati simili minn proċessi komparabbli. Kwalunkwe approċċ xorta għandu jsegwi l-istandards internazzjonali.

6.5

Sabiex jiġi faċilitat il-kummerċ, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-modernizzazzjoni tal-proċeduri u d-dwana għandhom iwasslu għal semplifikazzjoni u l-eliminazzjoni ta' tariffi u spezzjonijiet li mhumiex neċessarji.

6.6

Element essenzjali ta' kooperazzjoni regolatorja iktar mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti għandhom ikunu l-promozzjoni u l-iskambju tal-aqwa prattiki u t-titjib tas-sigurtà, is-saħħa u l-benesseri ekonomiku tal-poplu fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

6.7

L-istess livell ta' ambizzjoni għandu jiggwida n-negozjati dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (OTK) fejn kapitlu dwar l-OTK-plus, ispirat mill-għan li ma jitbaxxewx l-istandards, jista' jkun wieħed mill-mezzi ta' kif tiġi promossa l-fiduċja fis-sistemi regolatorji rispettivi tagħna.

6.8

Għandhom jiġu inklużi mekkaniżmi effettivi għall-prevenzjoni ta' ostakli ġodda permezz ta' konsultazzjoni bikrija tar-regolamenti li jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq l-industrija fl-Istati Uniti jew fl-UE sakemm jagħtu l-possibbiltà ta' kontribut mill-partijiet interessati. Dan m'għandux jippreġudika d-dritt li jkun hemm regolamentazzjoni skont il-livell ta' saħħa, ħarsien taċ-ċittadini/konsumaturi u standards tal-impjieg/tal-ambjent li l-partijiet iqisu adegwati fl-interess pubbliku.

6.9

Huwa importanti li l-prattiki tat-teħid tad-deċiżjonijiet regolatorji fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku kif ukoll il-kooperazzjoni regolatorja bejn l-Istati Uniti u l-UE ikunu bbażati fuq numru ta' prinċipji bħat-trasparenza, il-kontabilità u t-tfassil tal-politika li tieħu l-evidenza b'mod imparzjali u miftuħ mill-irkejjen kollha tas-soċjetà.

6.10

Id-differenzi bejn il-partiti fejn jidħlu regoli u standards jistgħu jitnaqqsu fir-regolamenti futuri permezz ta' djalogu u konsultazzjoni bikrija u miftuħa li għandu l-potenzjal li jnaqqas id-differenzi u l-ispejjeż kemm għall-produtturi kif ukoll il-konsumaturi.

7.   L-iżvilupp sostenibbli u standards differenti

7.1

L-UE u l-Istati Uniti jaqdu rwol importanti fid-diskussjoni fuq l-iżvilupp sostenibbli fil-livell globali kif ukoll fil-kooperazzjoni internazzjonali li tgħin li jinkisbu l-għanijiet relatati. Fl-istess waqt huwa importanti kemm għall-UE kif ukoll l-Istati Uniti li jaħdmu favur żvilupp sostenibbli fit-tliet pilastri tiegħu (it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp soċjali u protezzjoni ambjentali) għall-protezzjoni tal-popli tagħhom. F'dan il-kuntest, it-TTIP u b'mod partikolari l-parti relatata mal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli ser ikunu opportunità għall-UE u l-Istati Uniti li jaffermaw l-impenn tagħhom li jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli permezz ta' politiki rispettivi kif ukoll permezz ta' titjib fil-flussi kummerċjali u tal-investiment, id-djalogu u l-kooperazzjoni fil-qafas provdut fil-ftehim futur.

7.2

L-UE ilha mill-2009, b'konformità mat-Trattat ta' Lisbona (5) tfittex li tinkludi kapitlu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli f'kull ftehim kummerċjali li tinnegozja. Dan jappoġġjawh kemm il-KESE kif ukoll il-Parlament Ewropew.

7.3

Importanti li l-ftehim il-ġdid jafferma d-dritt tal-partijiet li jirregolaw u jistabbilixxu l-prijoritajiet, politiki u liġijiet tal-iżvilupp sostenibbli b'konformità mal-impenji tal-partijiet lejn l-istandards u l-ftehimiet internazzjonali.

7.4

Nilqgħu l-impenn li spiss tinsisti fuqu tal-Kummissjoni għall-fatt li mhux ser jonqsu l-istandards tal-UE tal-ħarsien tas-saħħa, is-sigurtà, l-ambjent, l-impjieg u l-ħarsien tal-konsumatur. Il-KESE għandu jimmonitorja dan sabiex jiżgura li dan l-impenn ma jiġix mhedded.

7.5

Jeħtieġ li nibnu fuq dan billi nindirizzaw it-tħassib prinċipali u nissuġġerixxu mod pożittiv 'il quddiem inklużi, fost affarijiet oħra, il-kwistjonijiet soċjali. It-TTIP għandu jiġi rikonoxxut mill-KESE bħala prijorità kontinwa tul in-negozjati u l-implimentazzjoni tagħhom.

7.6

Il-partijiet għandhom jisħqu fuq l-impenn tagħhom li jimplimentaw u jinfurzaw il-leġislazzjonijiet tagħhom b'mod effettiv fil-qasam tax-xogħol. Għandhom jisħqu wkoll fuq l-obbligi relatati mas-sħubija tagħhom fl-ILO inkluż id-Dikjarazzjoni tal-ILO tal-1998 dwar il-prinċipji fundamentali u d-drittijiet relatati mal-impjieg li huma vinkolanti għall-membri kollha tal-ILO. The eight core ILO Conventions (as endorsed by the WTO “Singapore Ministerial Declaration” in 1996 must remain the minimum basis of the social aspects of any sustainable development chapter for TTIP as they have done for all recent EU FTAs (6).

7.7

L-UE dejjem promoviet l-''aġenda soċjali'' fil-proċess tat-twettiq tas-suq intern tagħha u l-KESE huwa eżempju ħaj tal-impenn tal-UE lejn id-djalogu u l-kunsens. Filwaqt li tirrispetta l-mudell soċjali kemxejn differenti tal-Istati Uniti, l-UE għandha madanakollu tħeġġeġ u tħares il-mudell tagħha bbażat fuq is-solidarjetà soċjali.

7.8

Il-partijiet għandhom jagħrfu l-importanza tal-gvernanza u r-regoli globali ambjentali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali ta' tħassib komuni. Huma għandhom jisħqu fuq l-impenn tagħhom li jimplimentaw u jinfurzaw il-leġislazzjoni tagħhom b'mod effettiv fil-qasam tal-ambjent. Barra minn hekk, il-partijiet għandhom jisħqu fuq l-impenn tagħhom li jkomplu jieħdu l-passi biex jiżguraw u jippromovu l-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali. F'dan il-kuntest, il-partijiet għandhom jisħqu wkoll fuq l-impenn tagħhom lejn il-ftehimiet ambjentali multilaterali.

7.9

It-TTIP għandu jipprovdi opportunità għall-UE u l-Istati Uniti biex ikompli jippromovu l-kummerċ u l-investiment favur l-iżvilupp sostenibbbli, pereżempju l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fl-oġġetti u s-servizzi ambjentali (f'konformità mal-inizjattiva li tħabbret f'Davos fl-24 ta' Jannar 2014 li jagħmlu parti minnha ż-żewġ partijiet), il-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u oħrajn.

7.10

Għall-kuntrarju tal-Istati Uniti, l-UE għadha ma nkludietx kwistjonijiet ta' impjieg u ambjent koperti mill-kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli taħt il-proċedura ġenerali għas-soluzzjoni ta’ tilwim. Minflok dawn huma soġġetti għal proċedura ta' konsultazzjoni li ma tistax tirriżulta f'sanzjonijiet kummerċjali. Il-loġika wara din il-pożizzjoni mhix ċara u l-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiċċara dan.

8.   Investiment

8.1

Mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-UE kisbet kompetenza fil-qasam tal-investiment. Ftehim ġdid jieħu post it-trattati bilaterali fuq l-investiment attwali bejn l-Istati Uniti u d-disa' Stati Membri.

8.2

Fil-livell multilaterali l-UE u l-Istati Uniti huma partijiet fil-ftehim tad-WTO dwar il-Miżuri ta' Investiment Relatati mal-Kummerċ. Madanakollu dan japplika biss għall-miżuri li jaffetwaw il-kummerċ fl-oġġetti iżda mhux f'servizzi oħra jew oqsma prinċipali oħra li żviluppaw tul dawn l-aħħar 20 sena. Barra minn hekk l-UE u l-Istati Uniti waslu għal ftehim f'April 2012 dwar sett ta' prinċipji ta' investiment u stiednu pajjiżi oħra biex jagħmlu bħalhom.

8.3

Il-kwistjoni tal-inklużjoni tal-mekkaniżmu tal-ISDS iġġenerat ħafna interess min-naħa tal-pubbliku fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Nilqgħu r-rikonoxximent tal-Kummissjoni tal-ammont konsiderevoli ta' tħassib pubbliku li ġej minn litigazzjoni agressiva (7) u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li torganizza konsultazzjoni pubblika separata dwar il-protezzjoni tal-investiment u l-ISDS wara livell għoli ta' interess pubbliku. Dan l-eżerċizzju ta' konsultazzjoni pubblika li tnieda fis-27 ta' Marzu 2014 huwa eżempju tajjeb ta' kif jitħeġġeġ il-kontribut tas-soċjetà ċivili fin-negozjati.

8.4

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li kwalunkwe dispożizzjoni dwar is-soluzzjoni tat-tilwim proposta fit-TTIP ma tfixkilx il-kapaċità tal-Istati Membri tal-UE li jirregolaw fl-interess tal-pubbliku. Il-Kumitat b'mod ġenerali, huwa kritiku ferm fir-rigward tal-introduzzjoni ta' proċedimenti separati ta' arbitraġġ.

8.5

F'Punt 8 tal-iskeda informattiva pubblikata fit-3 ta' Ottubru 2013, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-proposti tagħha sabiex twaqqaf l-abbuż potenzjali tal-proċedimenti tal-ISDS. Il-Kumitat iqis li għad hemm nuqqas ta' ċarezza fir-rigward tad-definizzjoni ta' diversi termini bħal, fost oħrajn, “stqarrijiet frivoli” u “skop pubbliku”. Huwa essenzjali li tiġi stabbilita definizzjoni korretta kemm jista' jkun malajr.

8.6

Il-KESE jqis li huwa importanti li l-pożizzjoni tal-UE fin-negozjati tipprevedi bosta kundizzjonijiet għall-inklużjonijiet fil-ftehim tal-ISDS waħda minnhom hija li d-dispożizzjonijiet rispettivi tal-ftehim jippermettu lill-Istati Membri li ''jsegwu fuq l-għanijiet leġittimi tal-politika pubblika, dawk soċjali, ambjentali, tas-sigurtà, il-ħarsien tal-konsumatur, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, is-saħħa pubblika u s-sigurtà b'mod nondiskriminatorju''. Huwa importanti li din l-istqarrija tkun prinċipju gwida għan-negozjaturi tal-UE u għandha tissemma b'mod ċar fil-ftehim.

9.   SMEs

9.1

Fl-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, l-SMEs u l-intrapriżi li għadhom fil-bidu huma muturi kruċjali għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjieg. Iktar minn 20 miljun kumpanija fl-UE u 28 miljun fl-Istati Uniti huma SMEs. Fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, l-SMEs huma sors importanti ta' innovazzjoni, prodotti ġodda u servizzi ġodda u diġà qed jibbenefikaw minn kummerċ trans-Atlantiku.

9.2

It-TTIP ikun ta' valur b'mod partikolari għall-SMEs billi l-ostakli kummerċjali ħafna drabi jpoġġu piż sproporzjonat fuq l-intrapriżi ż-żgħar li għandhom inqas riżorsi sabiex ikopruhom minn intrapriżi ikbar. Il-benefiċċji potenzjali tat-TTIP għall-SMEs jinkludu tariffi, kwistjonijiet regolatorji u ostakli non-tariffarji, servizzi, kummerċ elettroniku, akkwist pubbliku, id-dwana u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

9.3

Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni tal-inklużjoni ta' kapitlu fit-TTIP dedikat lill-kwistjonijiet tal-SMEs. Kapitlu bħal dan għandu jistabbilixxi l-mekkaniżmi biex iż-żewġ naħat ikunu jistgħu jaħdmu flimkien biex jiffaċlilitaw il-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-kummerċ trans-Atlantiku. Id-dispożizzjonijiet jistgħu jinkludu wkoll kumitat tal-SMEs li jimpenja ruħu fil-komunità tal-intrapriżi ż-żgħar u jiżvilupppa informazzjoni online u riżorsi oħra li jgħinu lill-SMEs jifhmu d-dispożizzjonijiet tal-ftehim u kif jistgħu jibbenefikaw minnu.

10.   L-interess tal-konsumatur

10.1

Il-kunfidenza tal-konsumatur hija importanti ħafna sabiex it-TTIP ikun suċċess. Il-kunfidenza twassal lill-konsumatur biex jonfoq u dan għandu effetti pożittivi fuq it-tkabbir u l-impjieg. Huwa kruċjali għalhekk li l-konsumaturi jiġu provduti bil-garanziji li jiġġeneraw il-fiduċja fis-suq trans-Atlantiku. L-istqarrija li l-istandards mhux ser jonqsu hija bidu importanti. L-isfida hija li dan l-impenn isir realtà billi jiġi provdut qafas legali ċar li jevita li dan it-tnaqqis ikun jista' jseħħ, u billi, fost inizjattivi oħra, is-soċjeta ċivili tiġi infurmata b'mod adegwat u fil-ħin dwar il-proċess ta' konverġenza regolatorja. Għandhom jiġu inklużi wkoll dispożizzjonijiet sabiex jinżamm id-dritt taċ-ċittadini li jitolbu l-infurzar ta' dawn id-dispożizzjonijiet jekk jinkisru.

10.2

Jeżisti dubju li l-ftuħ tal-fruntieri u t-tneħħija tal-ostakli jistgħu jżidu t-tixrid ta'ikel kontaminat u l-impatt tiegħu. It-TTIP ikun opportunità eċċellenti sabiex tiġi żviluppata sistema unika ta' twissija li tkopri kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti. L-għan ikun li jiżdied il-ħarsien tal-konsumatur u jitnaqqsu l-effetti fuq in-negozju jekk dan iseħħ.

10.3

It-traċċabilità tal-ingredjenti tal-ikel u d-derivattivi tagħhom hija essenzjali biex tiġi żgurata s-sigurtà, il-kwalità u l-għażla infurmata tal-konsumatur. It-TTIP huwa opportunità kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Uniti li jifhmu aħjar il-katini tal-provvisti globali tal-ikel u n-netwerks u jiżviluppaw approċċi robusti, kompatibbli u interoperabbli biex jiżguraw it-traċċabbiltà u l-awtentiċità tal-ikel, inkluż sistemi tal-identifikazzjoni tal-annimali.

10.4

Għandhom jiġu stabbiliti skemi obbligatorji ta' rappurtaġġ u skambju tal-informazzjoni dwar prodotti ġodda sabiex ikun hemm idea ċara tal-introduzzjoni fis-suq tan-nanomaterjali manifatturati li għalihom għandu jiġi stabbilit ukoll inventorju estensiv li jkun miftuħ għall-iskrutinju tal-pubbliku.

11.   Servizzi

11.1

Ħafna mid-data statistika turi li żieda fil-kummerċ u l-investiment fis-settur tas-servizzi tista' tkun waħda mill-ikbar potenzjali tat-tkabbir. Għalhekk importanti li jiġu negozjati impenji favur is-servizzi (inkluż is-servizzi finanzjarji) fuq iż-żewġ naħat. Aċċess imtejjeb għas-suq huwa kkunsidrat prijorità għan-negozji tal-UE.

11.2

In-negozjati għandhom iqisu b'mod sħiħ ukoll l-ispeċifiċità tas-servizzi pubbliċi tal-UE li għandhom jitħarsu b'konformità mal-obbligi tat-TFUE.

11.3

Il-kooperazzjoni regolatorja għandha tkopri wkoll servizzi u tipprovdi kooperazzjoni aħjar bejn ir-regolaturi, trasparenza ikbar u l-eliminazzjoni ta' rekwiżiti li mhumiex neċessarji u li huma piż.

12.   Is-setturi tal-agrikoltura u agroalimentari

12.1

Il-ftehim irid ikun ambizzjuż fir-rigward ta' kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji (SPS), fejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea għandhom jipprovaw jinnegozjaw kapitolu ambizzjuż “SPS-plus”.

12.2

Metodi ta' biedja u ta' produzzjoni tal-ikel qed jiżviluppaw taħt ċirkostanzi pjuttost differenti fl-Istati Uniti u fl-UE (pereżempju l-benessri tal-annimali, ir-regolamenti dwar is-sigurtà tal-ikel, u l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-uċuħ tar-raba'). Fl-Istati Uniti d-deċiżjonijiet dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti huma msejsa purament fuq konsiderazzjonijiet xjentifiċi, filwaqt li fl-UE dan it-tip ta' deċiżjoni huwa msejjes fuq il-“prinċipju ta' prekawzjoni”. Id-differenza fl-approċċ trid tiġi meqjusa fin-negozjati.

12.3

Il-Kummissjoni semmiet qabel l-obbligi biex ma jitnaqqsux l-istandards tal-UE, inkużi dawk li jħarsu l-protezzjoni tal-konsumaturi, u li għandhom iżommuna sensibilizzati dwar kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (informazzjoni dwar GMs, ormoni fl-ikel, ikel li jiġi mnaddaf bil-kimika, eċċ.), filwaqt li tiġi żgurata l-konformità sistematika mal-prinċipju ta' prekawzjoni (li huwa mħaddan fit-Trattat ta' Lisbona). L-isforzi biex titjieb il-kompatibilità tas-sistemi regolatorji tal-Istati Uniti u l-UE għandhom jirrispettaw il-livell għoli ta' standards tas-sigurtà tal-ikel fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

13.   Akkwist pubbliku

13.1

L-akkwist pubbliku kwistjoni partikolarment sensittiva li titlob approċċ iktar offensiv min-naħa tal-UE billi l-kumpaniji tal-Istati Uniti attwalment jibbenefikaw minn iktar ftuħ fis-suq tal-UE milli viċi versa. Huwa essenzjali li fi kwalunkwe ftehim jiġu applikati livelli ekwi ta' aċċess għall-akkwist pubbliku li jiġu applikati fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

13.2

In-negozjaturi jeħtieġ li jiżguraw li d-dritt tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tal-awtoritajiet reġjonali u lokali li jżommu mal-politiki soċjali u ambjentali li jkunu qablu dwarhom b'mod demokratiku m'għandux jiġi mhedded.

14.   Protezzjoni tad-data

Jeżisti tħassib li t-TTIP jista' jdgħajjef ir-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data fl-UE u l-Istati Uniti fejn iċ-ċittadini jisfaw esposti għal data jew privatezza mhedda. F'konformità mal-impenn imsemmi f'punt 6.1. importanti ħafna li ma jitbaxxewx l-istandards ta' protezzjoni f'dal-qasam u li ċ-ċittadini tal-UE jiġu garantiti l-istess livell ta' ħarsien li għandhom taħt il-liġi tal-ħarsien tad-data tal-UE attwali meta jitrattaw ma' kumpaniji li jinsabu fl-Istati Uniti.

15.   Enerġija u materja prima strateġika

15.1

Huwa importanti ħafna li tiġi żgurata provvista affidabbli ta' enerġija. Matul it-TTIP jeħtieġ li jiġu żviluppati dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u tal-materja prima strateġika sabiex jiġu identifikati l-konġestjonijiet eżistenti u futuri fil-provvista u l-infrastruttura li jistgħu jolqtu l-kummerċ fil-qasam tal-enerġija kif ukoll mekkaniżmi li jindirizzaw kriżi u interruzzjonijiet tal-provvista.

15.2

L-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija u l-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli huma aspett fundamentali tal-politika tal-enerġija tal-UE u tal-Istati Uniti. It-TTIP għandu jippromovi dawn l-għanijiet u jiggarantixxi d-dritt ta' kull partit li jmantni jew jistabbilixxi standards u regolamenti dwar pereżempju l-prestazzjoni enerġetika tal-prodotti, tagħmir u proċessi filwaqt li sa fejn hu possibbli tkompli ssir ħidma lejn il-konverġenza bejn l-istandards tal-UE u dawk tal-Istati Uniti.

16.   Indikaturi ġeografiċi

L-UE tesporta lejn l-Istati Uniti prodotti ta' valur miżjud fejn is-sistema ta' indikaturi ġeografiċi taqdi rwol prinċipali. Din is-sistema tħares il-prodotti tal-UE minn imitazzjonijiet u frodi u lill-konsumaturi minn informazzjoni falza. Il-ftehim għandu jsib mod prattiku ta' kif tinkiseb ċertezza legali għall-kummerċ ibbażat fuq indikaturi ġeografiċi.

17.   Ir-rwol u l-involviment tas-soċjetà ċivili

17.1

Il-KESE jilqa' u jqis ta' valur kbir il-proċess li ġie stabbilit li fih is-soċjetà ċivili tiġi infurmata wara kull ċiklu ta' negozjati. Huwa importanti ħafna li l-partijiet interessati kollha jkomplu jiġu konsultati u li l-KESE jiġi aċċettat bħala parti importanti ta' dan il-proċess. Madanakollu s-soċjetà ċivili tibża' li d-dokumenti tan-negozjati jkunu ta' natura kunfidenzjali mingħajr ma hemm bżonn, fattur li jostakola l-proċess tal-informazzjoni. Dan jista' jhedded b'mod serju l-fiduċja u l-appoġġ tal-pubbliku f'kwalunkwe ftehim TTIP li jiġi negozjat.

17.2

Fl-Opinjoni li ħareġ il-KESE f'Marzu 2009 huwa indirizza l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku u n-nuqqasijiet u d-differenzi bejn il-5 Djalogi Trans-Atlantiċi (Negozji, Konsumaturi, Leġislaturi, Impjieg u Ambjent) (8). Hekk kif jindika d-Djalogu Trans-Atlantiku dwar il-Kummerċ u l-Konsumaturi, meta dawn il-korpi jiġu stabbiliti u joperaw tajjeb ikollhom il-potenzjal li jagħtu kontribut importanti lill-proċess tan-negozjati. Il-KESE għalhekk jisħaq fuq it-talba tiegħu għal Djalogi Trans-Atlantiċi dwar l-Impjieg u l-Ambjent.

17.3

Hekk kif intqal iktar kmieni, it-TTIP huwa sors ta' dubji kif ukoll ta' ta' tama u r-rwol tas-soċjetà ċivili ser ikun kruċjali fil-każ li jiġu approvati, jew le, ir-riżultati tan-negozjati.

Il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' ftehimiet kummerċjali bilaterali li ffirmat l-UE kollha inkuldew dispożizzjonijiet għal mekkaniżmu tal-monitoraġġ tas-soċjetà ċivili.

17.4

Kull wieħed minn dawn il-mekkaniżmi jkun sui generis, skont iċ-ċirkustanzi. Il-KESE jinsisti li jinstab mekkaniżmu speċifiku għat-TTIP kemm jista' jkun malajr u li jiġi konsultat fir-rigward tal-forma tiegħu.

18.   Ir-rwol tal-KESE

18.1

Huwa importanti li r-rwol istituzzjonali tal-KESE fil-proċess tan-negozjati tat-TTIP jiġi rikonoxxut u li jinżamm djalogu regolari bejn il-KESE, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

18.2

It-Trattat ta' Lisbona jafferma r-rwol tal-Kumitat bħala pont bejn is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet Ewropej, dan element essenzjali mill-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-KESE u l-Kummissjoni. Fid-dawl tas-sinifikat potenzjali tat-TTIP importanti li:

il-Kummissjoni tagħraf dan ir-rwol u żżomm il-Kumitat infurmat fuq l-aspetti kolla tal-proċess tan-negozjati. B'rabta ma' dan il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li grupp ta' monitoraġġ tal-KESE ta' tliet membri se jingħata aċċess għad-dokumenti kollha taħt kundizzjonijiet ugwali għal dawk għall-Grupp ta' Konsulenza tad-DĠ Kummerċ;

li jinżamm rwol inklużiv għas-soċjetà ċivili matul il-proċess sħiħ tan-negozjati;

li jitwaqqaf mekkaniżmu konġunt tas-soċjetà ċivili sħiħ u rappreżentattiv fi kwalunkwe ambjent ta' wara l-ftehim. Il-KESE għandu jaqdi rwol importanti fi kwalunkwe korp simili.

18.3

Minkejja li l-Istati Uniti m'għandhomx struttura ekwivalenti għall-KESE, il-missjoni ta' Frar 2014 f'Washington indikat struttura tas-soċjetà ċivili matura fl-Istati Uniti. Din tikkumplementa l-istruttura maqsuma fi tliet gruppi tal-KESE. It-TTIP għalhekk huwa opportunità kbira għall-KESE sabiex javvanza fil-politika li kien żviluppa dwar it-twaqqif ta' rabtiet trans-Atlantiċi bejn is-soċjetà ċivili. Għalhekk hija prijorità immedjata li jiġi stabbilit grupp ta' kuntatt UE-Stati Uniti.

18.4

Din l-opinjoni hija biss il-bidu u mhux it-tmiem tal-parteċipazzjoni tal-KESE fil-proċess tat-TTIP. Huwa rrakkomandat li jrid ikun hemm proġett tal-KESE kontinwu sabiex jipparteċipa fil-monitoraġġ tan-negozjati tat-TTIP f'isem is-soċjetà ċivili. Dan jista' jinkludi pereżempju iktar opinjonijiet, seduti pubbliċi, seminars, konferenzi eċċ. fuq temi bħall-iżvilupp sostenibbli, l-SMEs, l-ISDS, l-akkwist pubbliku u analiżi settorjali speċifika.

Brussell, 4 ta' Ġunju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 32-39.

(2)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2014-0230+0+DOC+XML+V0//EN&language=EN

(3)  Ara “Reducing Transatlantic Barriers to Trade and Investment – . An Economic Assessment” – Centre for Economic Policy Research, Londra, Marzu 2013. http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2013/march/tradoc_150737.pdf

(4)  http://www.trade-sia.com/ttip/

(5)  Artikolu 207 tat-TFUE jirreferi għall-prinċipji tal-politika kummerċjali tal-UE, Artikolu 3(5) tat-TUE u Artikolu 21 tat-TUE li jirreferu għall-prinċipji ġenerali tal-azzjoni esterna tal-UE jirreferu wkoll għall-appoġġ tal-UE għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.

(6)  ĠU L 127 14.5.2011, pp. 62-65.

(7)  Bħalissa għaddejja litigazzjoni agressiva min-naħa ta' korporazzjonijiet privati kontra stati sovrani pereżempju Veolia vs l-EġittuPhilip Morris kontra l-Awstralja.

(8)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 32-39.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

499 sessjoni plenarja tal-KESE tal-4 u l-5 ta' Ġunju 2014

26.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti industrijali”

COM(2014) 25 final

2014/C 424/03

Relatur:

is-Sur Meynent

Nhar is-7 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti industrijali

COM(2014) 25 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-14 ta' Marzu 2014.

Matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta' Ġunju 2014 (seduta tal-4 ta' Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’144 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ''Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti industrijali''. Din il-Komunikazzjoni tagħmel parti mill-passi reċenti u pożittivi lejn politika industrijali fil-livell tal-UE, imfissra b'mod partikolari fil-Komunikazzjoni ''Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew''.

1.2

Fil-fehma tal-KESE, l-istandards tekniċi għall-prodotti industrijali għandhom ikunu soġġetti għal regolament miftuħ, demokratiku u trasparenti bl-involviment mifrux tal-partijiet interessati li jinkludi tal-inqas lill-intrapriżi (inklużi l-SMEs), l-impjegati jew ir-rappreżentanti tagħhom, il-konsumaturi u l-NGOs tal-ħarsien tal-ambjent. Sabiex il-ftuħ ta' dan il-proċess jitqiegħed fil-prattika huwa ġustifikat li tingħata għajnuna pubblika li tgħin lill-partijiet interessati li m'għandhomx ir-riżorsi biex jieħdu sehem fil-ħidma.

1.3

L-ambitu tar-''rekwiżiti essenzjali'' ta' interess pubbliku li jistgħu jissarrfu fi standards tekniċi m'għandux ikun limitat għas-sigurtà, is-saħħa, il-ħarsien tal-ambjent u l-ħarsien tal-konsumatur. Għandu jinkludi wkoll kwalunkwe interess pubbliku li f'deċiżjoni demokratika huwa meqjus bħala leġittimu, b'mod partikolari l-kundizzjonijiet soċjali u ambjentali tal-produzzjoni, l-interoperabbiltà tas-sistemi tekniċi u l-aċċessibbiltà għall-utenti kollha.

1.4

L-istandards tekniċi għandhom jiġu riveduti u mtejba regolarment iktar u iktar fis-setturi innovattivi. Fil-fehma tal-KESE, ir-ritmu tat-tibdil m'għandux jonqos iżda l-impatt tiegħu fuq l-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs, għandu jiġi minimizzat.

1.5

Jeħtieġ li jiġi valutat l-impatt tal-proposti leġislattivi fuq l-SMEs fil-kuntest tas-Small Business Act (1). Għaldaqstant, l-SMEs m'għandhomx jingħataw eżenzjonijiet mill-istandards regolatorji billi dawn qegħdin hemm biex iħarsu l-interessi pubbliċi indipendentement mid-daqs tan-negozju li joħloq jew joħroġ il-prodott u biex ma jinħoloqx suq b'ritmu iktar mgħaġġel minn ieħor (two-speed market).

1.6

Il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni li, iktar milli d-Direttiva jintuża r-Regolament b'mod uniformi u immedjat fl-Unjoni Ewropea kollha biex jarmonizza l-prodotti industrijali. Huwa jappoġġja wkoll il-konverżjoni tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'Regolament b'applikazzjoni ġenerali. Dan jissimplifika l-istruttura regolatorja u huwa iktar faċli li jinftiehem b'mod partikolari mill-SMEs.

1.7

Il-KESE jappoġġja li s-sommarji tal-istandards armonizzati jkunu disponibbli b'xejn għall-pubbliku interessat b'mod partikolari l-SMEs.

1.8

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, permezz ta' baġit speċifiku għall-komunikazzjoni xxerred kemm tiflaħ fuq is-suq intern u fis-swieq tal-pajjiżi terzi informazzjoni dwar il-kwalità u l-livell għoli ta' eżiġenzi tal-prodotti konformi mal-istandards Ewropej, bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati elenkati fil-punt 1.2.

1.9

Importanti ħafna li huma u jingħalqu l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tinżamm in-natura demokratika, miftuħa u trasparenti tar-Regolament attwali dwar l-istandards tekniċi tas-suq tal-prodotti industrijali.

1.10

Il-KESE favur li tinħoloq bażi ta' data elettronika ċentralizzata li xxerred l-informazzjoni rilevanti dwar prodott partikolari.

1.11

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' sorveljanza elettronika tas-suq uniku li jippermetti lill-informaturi b'rieda tajba li jwasslu b'mod kunfidenzjali lill-awtoritajiet l-irregolaritajiet li jkunu osservaw matul it-tfassil, il-produzzjoni u l-importazzjoni tal-prodott industrijali.

1.12

Il-KESE jqis li informazzjoni teknika dwar prodott industrijali fuq il-karta hija kuntratt permanenti, awtentiku u li ma jistax jiġi falsifikat filwaqt li l-format elettroniku jkun adatt biss jekk jilħaq l-istess rekwiżiti.

1.13

Il-KESE jinnota li għad hemm ostakli għall-moviment ħieles u l-kompetizzjoni ħielsa fuq is-suq intern tal-prodotti industrijali. Il-KESE jixtieq jara tisħiħ tas-suq tas-sorveljanza. L-Istati Membri għandhom jitħeġġu joħolqu iktar uniformità fis-sanzjonijiet u livelli u teknikalità komparabbli fis-superviżjoni tas-suq u tad-distribuzzjoni tal-prodotti u s-servizzi sabiex tiżdied il-konsistenza fl-Ewropa.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fil-Komunikazzjoni tagħha li ssegwi fuq dik li ġiet ippubblikata f'Ottubru 2012, il-Kummissjoni tindirizza l-iżviluppi possibbli fil-leġislazzjoni dwar is-suq intern tal-prodotti industrijali fil-kuntest tal-internazzjonalizzazzjoni tal-iskambji, l-evoluzzjoni teknika tal-prodotti u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti u teknoloġiji ġodda. Hija tevalwa l-impatt tar-regolamentazzjoni eżistenti fuq is-suq tal-prodotti mill-perspettiva tal-industriji u tal-operaturi tas-suq uniku abbażi tal-istudji tal-każ imsemmija fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż fl-anness (disponibbli biss bl-Ingliż).

2.2

Id-dokument tal-Kummissjoni jsegwi l-evoluzzjoni tal-liġi tal-UE tal-prodotti industrijali mill-adozzjoni fl-1985 tal-''approċċ il-ġdid'' tal-leġislazzjoni armonizzata: il-leġislatur tal-UE jiddefinixxi ''ir-rekwiżiti essenzjali'' jiġifieri l-għanijiet fil-qasam tas-sigurtà, is-saħħa, il-ħarsien tal-ambjent u l-ħarsien tal-konsumatur li għandhom jikkonformaw magħhom l-intrapriżi meta jkunu sa jintroduċu prodotti fuq is-suq tal-UE sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' ħarsien possibbli (Art 114 TFUE). Ir-rekwiżiti essenzjali għalhekk huma armonizzati permezz ta' standards stabbiliti mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni abbażi tal-mandat li tagħti l-Kummissjoni Ewropea.

2.3

Il-prodotti industrijali huma definiti bħala prodotti mhux alimentari maħluqa fi proċess industrijali, iżda l-komunikazzjoni tikkonċentra fuq il-prodotti li ma kinux reċentement soġġetti għal leġislazzjoni, reviżjoni jew evalwazzjoni. Hija ma tkoprix prodotti speċifiċi ħafna u koperti separatament bħall-prodotti farmaċewtiċi.

2.4

Skont il-Komunikazzjoni, l-armonizzazzjoni ppermettiet żieda konsiderevoli fil-kummerċ tal-prodotti kkonċernati iktar rapida minn dik tal-valur miżjud tal-produzzjoni totali bejn l-2000 u l-2012. Il-leġislazzzjoni fil-livell tal-Unjoni iffavorixxiet l-ekonomiji ta' skala u saħħet il-kompetittività tal-intrapriżi billi eliminat l-ispejjeż tal-konformità li kienu imposti qabel minn regoli differenti nazzjonali jew f'ċerti każijiet nuqqas ta' regoli.

2.5

Ir-regoli stabbiliti skont l-approċċ tal-1985 saħħew ukoll il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti Ewropej.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

3.1

Kundizzjoni assolutament neċessarja għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern tal-prodotti industrijali hija l-fiduċja taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-utenti professjonali fil-katina sħiħa tal-ħolqien tal-valur fil-fatt li l-prodotti jirrispondu għar-''rekwiżiti essenzjali'' ta' interess pubbliku. Mingħajr din il-fiduċja, it-tranżazzjonijiet jieqfu, is-suq jisfronda u jibqgħu biss prodotti ta' kwalità inferjuri (2).

3.2

Dawn l-eżiġenzi jinkludu s-saħħa, is-sigurtà tal-konsumaturi u tal-ħaddiema fl-industrija, il-ħarsien tal-ambjent u tal-konsumaturi u b'mod wiesa' kull interess pubbliku meqjus leġittimu b'deċiżjoni demokratika, b'mod partikolari l-kundizzjonijiet soċjali u ambjentali tal-produzzjoni, l-interoperabbiltà tas-sistemi tekniċi u l-aċċessibbiltà għall-utenti kollha.

3.3

Dawn ir-''rekwiżiti essenzjali'' huma r-riżultat ta' proċess demokratiku ta' deċiżjoni politika li jwassal għal liġijiet jew regolamenti li jagħtihom leġittimità. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom is-setgħa li jistabbilixxu dawn ir-''rekwiżiti essenzjali'' u jiżguraw li jiġu rispettati mill-operaturi tas-suq intern.

3.4

Fil-fehma tal-KESE l-istandards tekniċi tal-prodotti industrijali huma l-manifestazzjoni teknika tar-''rekwiżiti essenzjali'' ta' interess pubbliku. Huma għalhekk strumenti politiċi u hekk għandhom jitqiesu b'mod sħiħ. Huma l-ewwel u qabel kollox strumenti ta' politika ġenerali li jimmiraw li jilħqu għan speċifiku ta' interess pubbliku fost dawk stabbiliti f'Artikolu 114 tat-TFUE, iżda anke li jmorru lil hinn: is-saħħa u s-sigurtà tal-utent (il-konsumatur jew l-impjegat f'ambjent professjonali), kundizzjonijiet tax-xogħol li jiffavorixxu l-produzzjoni u l-motivazzjoni tal-ħaddiema, il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali fraġli, mhux rinnovabbli jew rari (il-klima, ir-riżorsi minerali, il-bijosfera, l-organiżmi slavaġ, l-ilma), il-benesseri tal-annimali, il-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni, l-interoperabbiltà tal-komponenti tas-sistemi kumplessi u oħrajn definiti mid-deċiżjoni demokratika.

3.5

It-tieni nett huma wkoll strumenti ta' politika industrijali u ta' strutturar tas-suq. Il-konformità ma' standard tekniku teżiġi strumenti ta' differenzjazzjoni u ta' kompetittività bbażata fuq il-kwalità mhux fuq il-prezzijiet, fis-suq internazzjonali. Billi jantiċipaw il-bżonnijiet futuri u l-iżviluppi fis-suq, l-istandards jgħinu l-industriji Ewropej jibqgħu fuq quddiem, jinnovaw u joħolqu prodotti li ma jkunux wisq sensittivi għall-prezzijiet u b'hekk jiġġeneraw kemm dħul kif ukoll impjiegi ta' kwalità. Meta f'suq ikun hemm standards li jeżistu fl-istess ħin (b'mod partikolari fir-rigward tal-interoperabbiltà), l-għażla tal-istandard tolqot l-intrapriżi li minnha ser jiksbu vantaġġ kompetittiv u għalhekk anki fuq il-lokalità tal-attività ekonomika u l-impjiegi li jirriżultaw minnha.

3.6

Dan l-aspett politiku tal-istandards tekniċi tal-prodotti industrijali jfisser li ma jistgħux jitqiesu bħala qasam riservat għall-interessi privati u l-ispeċjalisti tekniċi. Għandhom ikunu soġġetti għal regolamentazzjoni demokratika, miftuħa u trasparenti li tinvolvi firxa sħiħa ta' partijiet interessati. Din ir-regolamentazzjoni tkopri dawn il-ħames passi:

l-opportunità tal-istandardizzazzjoni;

l-għanijiet assenjati tal-istandardizzazzjoni;

il-mezzi tekniċi ta' kif jintlaħqu dawn l-għanijiet;

il-monitoraġġ tal-konformità mal-istandrads u s-sorveljanza tas-suq, u

l-infurzar ta' sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ tan-nuqqas ta' konformità.

3.7

Dan ir-regolament għandu jkun ibbażat fuq istituzzjonijiet miftuħa u leġittimi li jagħtu lill-partijiet interessati kkonċernati l-opportunità li jinfluwenzaw id-deċiżjoni. Fil-fehma tal-KESE il-lista ta' partijiet interessati bi dritt leġittimu li jikkontribwixxu f'dan il-proċess regolatorju hija miftuħa u tiddependi min-natura speċifika tar-regolament (pereżempju standard dwar il-benesseri tal-bhejjem mhux ser jinvolvi l-istess partijiet interessati bħal standard dwar l-interoperabbiltà tat-tagħmir tal-mezzi ta' komunikazzjoni diġitali). Din il-lista ta' partijiet interessati għandha talanqas tinkludi l-intrapriżi, fosthom l-SMEs, l-impjegati jew ir-rappreżentanti tagħhom, il-konsumaturi u l-NGOs tal-ħarsien tal-ambjent.

3.8

Il-fatt li l-istandards tekniċi huma strumenti ta' politika industrijali u l-kompetittività bbażata fuq il-kwalità u l-antiċipazzjoni tal-bżonnijiet tekniċi, soċjetali u ambjentali u tas-sorsi ta' innovazzjoni teknika tfisser li sabiex huma jlaħħqu ma' dan ir-rwol għandhom jiġu riveduti u mtejba regolarment, b'ritmu ogħla minn dak tal-innovazzjoni tas-settur. Fil-każ tas-setturi innovattivi ħafna u li għandhom potenzjal kbir tal-iżvilupp, il-Kumitat jirrakkomanda li jkomplu jibnu fuq l-għanijiet tal-leġittimità demokratika u soċjali tal-proċess ta' regolamentazzjoni u normattiv imsemmi minn punti 3.2 sa 3.7 u t-twaqqif ta' standards għoljin u l-aġġornament tagħhom. Madanakollu l-impatt ta' bidliet bħal dawn fuq in-negozji għandu jinżamm minimu.

3.9

Fl-aħħar mill-aħħar l-istandards tekniċi tal-prodotti industrijali huma l-mezzi preferuti ta' informazzjoni u edukazzjoni tal-konsumatur (aħħari u intermedjarju). Jagħtuh elementi oġġettivi u rigorużi biex jiġġudika b'mod awtonomu kemm huwa adegwat prodott għall-bżonnijiet tiegħu. Konsumatur infurmat u edukat b'dan il-mod huwa sensittiv għad-differenza fil-kwalità u jikkontribwixxi fil-kompetittività li tmur lil hinn mill-prezzijiet tal-industrija Ewropea bbażata fuq il-livell ta' kompetenza u l-motivazzjoni tal-impjegati. Dawn l-istandards huma element essenzjali għal simbjożi essenzjali bejn il-fornituri industrijali ta' kwalità għolja u l-konsumaturi eżiġenti u rigorużi.

4.   Osservazzjonijiet partikolari

4.1

Skont il-prattika attwali, l-istandards armonizzati jiġu regolati minn direttiva. Dan joħloq nuqqas ta' stabbiltà u sforz ta' adattament permanenti u xi drabi inutli mill-intrapriżi. Din tista' twassal għal leġislazzjoni li tvarja ġeografikament minn Stat Membru għal ieħor. Id-differenzi jistgħu jidhru minimi iżda huma fil-fatt rilevanti meta jiġi biex jitiqes id-dettall li teħtieġ il-konformità ta' prodott industrijali mal-istandards. Il-varjazzjoni ġeografika tiżdied mal-varjazzjoni temporali skont id-dati differenti ta' traspożizzjoni tad-direttiva fil-liġi nazzjonali tat-28 Stat Membru. Il-perjodu ta' traspożizzjoni jista' jinfirex fuq 36 xhar u billi l-frekwenza tal-aġġornament tal-istandards tista' tkun spiss u f'setturi innovattivi ħafna saħansitra iktar spiss, l-intrapriżi jistgħu jispiċċaw fi stat permanenti ta' inċertezza u konfużjoni li jġibu magħhom il-perjodi ta' tranżizzjoni.

4.2

F'sitwazzjoni bħal din, li tista' tkun sfida partikolari għall-SMEs bi ftit riżorsi biex ilaħħqu mar-regolamentazzjoni, il-Kumitat jilqa' b'mod partikolari l-proposta tal-Kummissjoni li minflok Direttivi għandhom jintużaw regolamenti li jistgħu jiġu applikati b'mod uniformi u immedjat fl-UE kollha. Il-KESE jqis li din id-dispożizzjoni hija pożittiva ħafna. Hija kapaċi telimina sors prinċipali ta' instabbiltà regolamentari u tippermetti lill-gruppi involuti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni li jaħdmu f'ambjent uniformi għal 500 miljun konsumatur, li jkun stabbli għal tul ta' snin skont ritmu adattat għall-intensità tal-innovazzjoni ta' kull settur.

4.3

Dan ir-raġunament jista' jintuża wkoll biex jintwera wkoll kemm, f'termini ta' sussidjarjetà, l-użu ta' regolament biex jiġu stabbiliti standards tekniċi għall-prodotti industrijali huwa każ fejn l-azzjoni fil-livell tal-UE hija iktar effettiva mill-azzjoni fil-livell tal-Istati Membri.

4.4

Il-KESE jappoġġja wkoll il-konverżjoni tad-deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'Regolament b'applikazzjoni ġenerali. It-twaqqif ta' grupp ta' definizzjonijiet, termini u kunċetti komuni li japplikaw b'mod orizzontali fis-setturi speċifiċi ta' standardizzazzjoni teknika tevita x-xogħol doppju u r-repetizzjoni u tikkorrispondi għall-prattiki tajba tal-kitba teknika.

4.5

Għall-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati huwa għan ta' interess pubbliku li jikkontribwixxi fi proċess ta' standardizzazzjoni fil-ħames livelli msemmija f'punt 3.6. Uħud minn dawn il-partijiet interessati bħall-organizzazzjonijiet tat-trade unions, SMEs u assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-ħarsien tal-ambjent għandhom biss riżorsi limitati. Għalhekk fil-fehma tal-KESE huwa ġustifikat li jingħata appoġġ pubbliku sabiex tingħata għajnuna lil dawn il-partijiet interessati biex jieħdu sehem fil-ħidma bi drittijiet tal-votazzjoni sabiex il-ftuħ tal-proċess jitpoġġa fil-prattika.

4.6

Il-KESE huwa favur li s-sommarji tal-istandards armonizzati jkunu disponibbli b'xejn. Ħadd m'għandu jinjora l-liġi iżda l-istandards tekniċi pereżempju huma disponibbli fuq ħlas mingħajr ma wieħed ikun jaf biżżejjed dwar is-suġġett u l-ambitu tal-istandard, u għalhekk jekk japplikax għal parti interessata partikolari. Dan huwa ta' ħsara għall-SMEs kif ukoll għall-partijiet interessati kollha. Huwa fil-fatt għalhekk li l-KESE jappoġġja din il-miżura u jitlob li s-sommarji jkunu disponibbli għall-pubbliku interessat.

4.7

Il-KESE huwa favur il-ħolqien ta' bażi ta' data elettronika ċentralizzata li għal kull prodott tagħti aċċess għal lista ta' standards li magħhom huwa konformi u li jispeċifika kif ġiet ċertifikata din il-konformità (b'mod partikolari jekk hix ibbażata fuq awto-ċertifikazzjoni jew ċertifikazzjoni mit-tielet parti). Din il-bażi ta' data tista', fuq abbonament, tibgħat messaġġi elettroniċi kull meta jinbidlu l-istandards ta' prodott partikolari.

4.8

Il-KESE jappoġġja l-possibbiltà li l-informaturi jwasslu informazzjoni kunfidenzjali lill-awtoritajiet permezz ta' mekkaniżmu ta' sorveljanza elettronika tas-suq uniku l-irregolaritajiet li jkunu osservaw matul it-tfassil, il-produzzjoni u l-importazzjoni tal-prodott industrijali. L-informaturi ġenwini għandhom jiġu mħarsa mir-riperkussjonijiet u s-sanzjonijiet eventwali bħas-sensja, fil-każ li jkunu impjegati. Din is-sorveljanza kollaborattiva u maqsuma u li timmobilizza t-teknoloġiji tal-Web 2.0 tista' ttejjeb is-saħħa u s-sigurtà tal-utenti tal-prodotti industrijali fl-Unjoni kollha u tħares l-intrapriżi li jikkonformaw mar-regoli mill-kompetizzjoni inġusta minn dawk li ma jikkonformawx.

4.9

Il-KESE jqis li l-informazzjoni teknika relatata mal-prodotti industrijali bħala element tal-kuntratt tax-xiri li jiżgura li l-konsumatur jagħmel għażla ċara u infurmata anki għal wara x-xiri f'każ li joħorġu xi difetti, f'każ ta' inċident jew f'każ li ma tintlaħaqx il-prestazzjoni mħabbra. Dawn l-elementi mhumiex 'żejda' u lanqas ma 'jnaqqru mill-estetika tal-prodott' hekk kif tgħid il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, l-informazzjoni għandha tingħata lill-klijenti f'forma permanenti, awtentika, li ma tistax tiġi falsifikata u li tista' tinqara tul il-ħajja kollha tal-prodott irrispettivament mill-iżvilupp tal-istrumenti elettroniċi disponibbli. Għalhekk il-KESE jqis li dokumentazzjoni stampata fuq il-karta fil-lingwa tal-pajjiż u disponibbli fil-post tax-xiri u provduta fl-imballaġġ tilħaq dawn il-kundizzjonijiet filwaqt li l-forma elettronika hija favorevoli biss jekk tilħaq ir-rekwiżiti funzjonali stretti stabbiliti hawn fuq.

4.10

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, permezz ta' baġit speċifiku għall-komunikazzjoni xxerred kemm tiflaħ fuq is-suq intern u fis-swieq tal-pajjiżi terzi informazzjoni dwar il-kwalità u l-livell għoli ta' eżiġenzi tal-prodotti konformi mal-istandards Ewropej, bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati elenkati fil-punt 3.7. B'hekk il-konsumaturi u x-xerrejja professjonali jkunu iktar informati dwar il-vantaġġi tal-offerta li jagħżlu. Dan jagħti vantaġġ kompetittiv ibbażat fuq il-kwalità oġġettiva u affidabbli lill-prodotti mfassla u magħmula fl-Ewropa jew b'konformità mal-istandards Ewropej u b'hekk lill-intrapriżi u l-ħaddiema Ewropej.

4.11

Jeħtieġ li jiġi valutat l-impatt tal-proposti leġislattivi fuq l-SMEs fil-kuntest tas-Small Business Act (3). Għalhekk, il-KESE jappoġġja ferm il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li ma tippermetti l-ebda eżenzjoni mir-regoli għall-SMEs. Ir-riskji ta' prodott għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi jew l-utenti professjonali, il-ħarsien tar-riżorsi naturali, il-kompatibbiltà mas-sistemi tekniċi eżistenti huma għanijiet ta' interess pubbliku indipendentement mid-daqs tal-intrapriża li fasslet jew għamlet il-prodott. Barra minn hekk setturi sħaħ, b'mod partikolari ta' ċerti oġġetti ta' konsum bħall-ħwejjeġ jew it-tagħmir tad-dar, maqsuma f'numru kbar ta' SMEs. Li jitnaqqsu r-rekwiżiti stabbiliti għall-SMEs ma jkunx aċċettabbli billi dan ikun ifisser eżenzjoni għal dawn is-setturi li jkollu impatt globali kbir fuq il-konsum u b'hekk fuq il-livell ta' riskju. Eżenzjoni bħal din twassal għal ħolqien ta' suq b'ritmu iktar mgħaġġel minn ieħor fejn il-prodotti tal-SMEs (b'mod leġittimu) jibdew jitqiesu ta' kwalità iktar baxxa għax huma soġġetti għal inqas standards, jew inqas standards stretti u dan iżid l-iżvantaġġ kompetittiv tagħhom fil-konfront ta' gruppi ikbar li jibbenefikaw minn iktar flus għall-kummerċjalizzazzjoni.

4.12

Il-KESE ma jaqbilx mal-fehma tal-Kummissjoni li t-tibdil fl-istandards ser iseħħ tant spiss li l-intrapriżi mhux ser ikunu kapaċi jlaħħqu miegħu. Il-frekwenza tat-tibdil fl-istandards tiddependi mill-ammont ta' innovazzjoni fis-settur u tikkontribwixxi fil-kompetittività mhux marbuta mal-prezzijiet tal-industrija Ewropea. Hija m'għandhiex tieqaf tiżviluppa iżda l-KESE jirrikonoxxi li l-SMEs għandhom ikunu infurmati aħjar fuq dawn l-iżviluppi permezz tal-mobilizzazzjoni, fejn ikun hemm bżonn, tal-bażi tad-data msemmija f'punt 4.7. Madanakollu, is-soluzzjoni tal-Kummissjoni li bidla fl-istandards issir permezz ta' regolament u mhux direttiva hija risposta adegwata u suffiċjenti għat-tħassib li tqajjem.

4.13

Fil-fehma tal-KESE, l-iffirmar tal-ftemitiet ta' kummerċ ħieles għandu jħares l-esperjenza storika li kisbu l-Istati Membri fil-proċess twil li bdew fl-1993 u li għadu ma wasalx fi tmiemu, lejn suq uniku reali tal-prodotti industrijali, wieħed li jqis in-natura politika, kif ukoll dik miftuħa, demokratika u trasparenti tal-proċess tar-regolamentazzjoni tal-istandards tekniċi ta' dawn il-prodotti. Il-KESE jħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni biex matul in-negozjati attwali tistabbilixxi qafas istituzzjonali li jkollu l-istess karatteristiċi tad-demokrazija, il-ftuħ u t-trasparenza matul il-ħames passi msemmija f'punt 3.6 tal-proċess ta' standardizzazzjoni u monitoraġġ tal-konformità. L-istandards tal-prodotti, regolamenti u deċiżjonijiet li jħarsu l-interessi pubbliċi u s-sanzjonijiet fejn dawn ma jiġux rispettati, m'għandhomx jiġu kritikati bħala ostakli non-tariffarji sakemm jikkonformaw mal-leġislazzjoni komunitarja u l-ftehimiet tad-WTO.

4.14

Fejn jidħlu katini ta' valur internazzjonali li ma jaqgħux taħt ir-regoli ta' ġurisdizzjoni waħda biss, l-isforzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' interess pubbliku permezz ta' standards tekniċi huma sors ta' problemi speċifiċi li għalihom għadha ma nstabitx soluzzjoni. Il-KESE jissuġġerixxi li l-isforzi fil-qasam għandhom jikkonċentraw prinċipalment fuq l-akkwist u ċ-ċertifikazzjoni ta' data oġġettiva u affidabbli dwar il-prodott u l-proċess fiżiku u soċjali tal-produzzjoni tiegħu. Din id-data tiċċirkola mbagħad fil-katina ta' valur sħiħa u tkun tista' titqabbel mar-''rekwiżiti essenzjali'' ta' kull ġurisdizzjoni, b'rispett tas-sovranità tagħhom.

4.15

Għad hemm xi problemi ta' ostakli tal-moviment u l-kompetizzjoni ħielsa. Pereżempju brevetti relatati ma' standards tekniċi u l-effettività tal-kontrolli tal-implimentazzjoni tal-istandards u l-leġislazzjoni.

4.16

Meta jingħata brevett għal innovazzjoni li tkun saret standard tekniku, huwa importanti ħafna li l-kompetituri jkunu jistgħu jiksbu l-liċenzji neċessarji bi prezz raġonevoli. Il-liġi tal-proprjetà intellettwali għandha tħares l-innovazzjoni mingħajr ma tħalli l-użu tal-brevetti u tad-drittijiet tal-awtur jostakolaw il-kompetizzjoni industrijali u l-innovazzjoni; fil-fehma tal-Kumitat, ir-rwol tagħha għandu jkun li tippromovi l-moviment ħieles fis-suq intern. Il-brevett uniku Ewropew, li huwa partikolarment importanti għall-KESE, għandu jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal dan il-għan. Madanakollu l-KESE josserva li f'ċerti pajjiżi lil hinn mill-UE, fosthom l-Istati Uniti, jinħarġu brevetti mingħajr riċerka rigoruża li fil-fatt tipprova li dawn huma innovattivi, li tqajjem dubju dwar kemm fil-fatt huma; il-ħruġ ta' brevetti trivjali jitfa' f'dubju l-karattru innovattiv tagħhom; filwaqt li brevetti għal kunċetti astratti ta' apparenza u sensazzjoni (look and feel) indipendetement minn kif tinħoloq din l-apparenza jmur kontra l-prinċipji ta' brevetti għall-invenzjoni li huwa bbażat biss fuq il-mod kif jinkiseb ir-riżultat. Din is-sitwazzjoni twassal għal abbuż li jħalli lill-intrapriżi Ewropej f'pożizzjoni żvantaġġata.

4.17

Problema oħra hija li s-sanzjonijiet mhux dejjem ikunu adegwati, proporzjonali u dissważivi biex jikkastigaw il-ksur tal-istandards tekniċi nazzjonali jew Ewropej.

Is-sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali u l-kontroll tas-suq intern huma kompetenza tal-Istati Membri; id-diversità ta' bejniethom tista' twassal għal forum shopping meta jiġu introdotti prodotti ġodda fuq is-suq Ewropew. Il-blue guide, ir-RAPEX, il-proċedura SOLVIT jew miżuri oħra għandhom għalhekk iħeġġu iktar uniformità fis-sanzjonijiet u l-livelli u t-teknikalità komparabbli fis-superviżjoni tas-suq u d-distribuzzjoni tal-prodotti u s-servizzi sabiex tiżdied il-konsistenza fl-Ewropa. Il-Kummissjoni li bdiet il-proċess leġislattiv u timmonitorja l-implimentazzjoni permezz ta' superviżjoni tal-attivitajiet tal-Istati Membri tista' tressaq proċeduri quddiem il-qrati tal-UE fil-każ ta' nuqqas ta' konformità. Fl-aħħar mill-aħħar iridu jkunu l-qrati Ewropej li jiggarantixxu konsistenza Ewropea fil-leġislazzjoni tal-Istati Membri u l-monitoraġġ tas-swieq, il-prodotti u s-servizzi.

4.18

Il-KESE jixtieq jara tisħiħ tas-suq tas-sorveljanza.

4.18.1

Sabiex tiġġieled kontra l-possibbiltà ta' użu ħażin tat-tikkettar tal-KE minn produtturi li mhumiex infurmati biżżejjed jew li m'għandhomx skrupli, ikun utli li jitjiebu l-kontrolli doganali marbuta mad-dħul fis-suq tal-prodotti u li jiġi żgurat li l-aġenti, l-importaturi u d-distributuri kkonċernati jirrispettaw l-obbligi tal-konformità tal-prodotti skont il-leġislazzjoni komunitarja fis-seħħ. L-inklużjoni ta' numru ta' referenza tar-rappreżentanti legali ta' prodott fit-tikketta tal-KE tista' tintuża biex jinstabu l-identità legali u d-dokument ta' konformità elettroniku tiegħu, u dan jista' jikkontribwixxi fil-proċess tal-verifika tal-konformità, inkluż meta l-konsumaturi jaġixxu ta' informaturi fejn jaraw nuqqas ta' konformità (punt 4.8).

4.18.2

Fil-kuntest ta' awsterità baġitarja, il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li l-awtoritajiet responsabbli mill-monitoraġġ tas-suq jingħataw ir-riżorsi li għandhom bżonn biex iwettqu xogħolhom u jiffukaw l-attivitajiet tagħhom fuq postijiet fejn huma kkonċentrati t-tentattivi ta' frodi (portijiet, distribuzzoni fil-forma ta' hard discount, kummerċjanti li jimxu minn post għal ieħor) filwaqt li fl-istess ħin tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva b'mod partikolari fejn tidħol il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni. L-attività tal-informaturi msemmija f'punt 4.8 tista' tittejjeb fuq spiża baxxa mill-finanzi pubbliċi.

4.18.3

Il-KESE jinkwieta li xi operaturi industrijali ekonomiċi tant jista' jkollhom impatt fuq l-attività ekonomika jew l-impjieg fl-Istati Membri li t-theddida tar-rilokazzjoni tagħhom toħloq ir-riskju li l-amministrazzjoni nazzjonali telimina s-sanzjonijiet u b'hekk il-konsumaturi jisfaw f'periklu u l-kompetizzjoni ma tkunx ġusta għall-intrapriżi u l-impjegati fl-UE.

4.19

Fil-fehma tal-Kumitat huwa possibbli li jintużaw l-obbligi regolari ta' rappurtaġġ u riċerka tal-post sabiex isir kontroll mill-qrib tal-iżvilupp tal-prodott. L-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u tal-ħaddiema huma f'pożizzjoni tajba li jaġixxu ta' informaturi fir-rigward ta' kwistjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà u għandhom ikunu involuti bħala partijiet interessati fil-livelli kollha tal-abbozzar u l-implimentazzjoni tal-istandards.

Brussell, 4 ta' Ġunju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51.

(2)  Dan l-effett intwera minn G. Akerlof, premju Nobel għall-ekonomija fl-1970 fl-artiklu tiegħu dwar il-karozzi użati (Akerlof, George A. (1970). “The Market for 'Lemons': Quality Uncertainty and the Market Mechanism”. Quarterly Journal of Economics (The MIT Press) 84 (3): 488–500. doi:10.2307/1879431).

(3)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51.


26.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk Ewropew tas Servizzi tal-Impjieg, l-aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi tal-mobilità u l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol”

COM(2014) 6 final — 2014/0002 (COD)

2014/C 424/04

Relatur

:

is-Sinjura Drbalová

Korelatur

:

is-Sur Pariza Castaños

Nhar it-3 ta' Frar 2014 u nhar is-6 ta' Frar 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk Ewropew tas-Servizzi tal-Impjieg, l-aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi tal-mobilità u l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol

COM(2014) 6 final – 2014/0002 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta' Mejju 2014.

Matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta' Ġunju 2014 (seduta tal-4 ta' Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'116-il vot favur u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex tissostitwixxi r-Regolament 492/2011 u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/733/UE bi strument uniku li jżid it-trasparenza, jagħmel possibbli t-tlaqqigħ awtomatiku effettiv, jiddefinixxi s-servizzi ta' appoġġ, jintroduċi sistema għat-tqassim tal-informazzjoni dwar in-nuqqas u l-eċċess ta' ħaddiema, u jopera abbażi tan-nondiskriminazzjoni u t-trattament indaqs.

1.2

Il-KESE jirrakkomanda li l-KE tiddefinixxi l-mobilità ġusta taħt l-Artikolu 2 Definizzjonijiet fid-dawl ta' tendenzi ġodda fil-mobililtà u l-bżonn ikbar għal mobilità ġusta. Din id-definizzjoni għandha tkun bilanċjata. Bħala bażi l-KE tista' tuża l-kliem li jeżisti diġà fit-Taqsima 2 tar-Regolament 492/2011, u fl-istess ħin tesprimi l-ħsieb tagħha li tiżgura appoġġ sħiħ għall-persuni li jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jaħdmu fi Stati Membri oħra abbażi ta' għażla informata.

1.3

Il-KESE jifhem l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi kważi provvista kompluta ta' postijiet fil-portal tal-EURES billi testendi l-prinċipju tat-trasparenza għall-organizzazzjonijiet apparti mis-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi (PES) permezz tal-parteċipazzjoni voluntarja tal-imsieħba tal-EURES fin-netwerk tal-EURES abbażi ta' kriterji minimi komuni. L-ebda kriterju stabbilit mill-Istati Membri lil hinn minn dan il-minimu m'għandu jkun diskriminatorju. Madankollu, iqis li hemm ir-riskji jekk ma jiġix żgurat li l-fornituri tas-servizzi privati jkollhom jilħqu l-istess standards ta' kwalità bħas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi. Fi kwalunkwe każ l-Istati Membri jistgħu jintroduċu kriterji addizzjonali ma' dawk stabbiliti fl-Anness jekk ikun hemm bżonn, għalkemm dawn bl-ebda mod m'għandhom ikunu diskriminatorji. Il-fornituri privati parteċipanti bl-ebda mod m'għandhom jitħalles joffru s-servizzi tagħhom bi ħlas.

1.4

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex b'mod sistematiku jagħmlu disponibbli informazzjoni bażika dwar in-netwerk tal-EURES u s-servizzi speċifiċi tiegħu ta' appoġġ, b'mod partikolari għall-ħaddiema transkonfinali u ż-żgħażagħ u biex jikkomunikaw u jippromovu b'mod aħjar is-servizzi tal-EURES.

1.5

Il-KESE jilqa' l-enfasi fuq l-iżvilupp u l-appoġġ ta' kooperazzjoni transkonfinali u l-proposta li jintuża punt uniku ta' servizz għall-komunikazzjoni mal-ħaddiema u l-impjegaturi transkonfinali f'żoni tal-fruntiera. Huwa jirrakkomanda li jissaħħaħ ir-rwol tas-sħubijiet tal-EURES-T.

1.6

Il-KESE jappella għal koerenza u sinerġiji mal-politiki tal-UE biex tiġi promossa l-mobilità, b'mod speċjali rigward il-ħolqien ta' netwerk ta' servizzi pubbliċi tal-impjiegi u l-miżuri biex jiġi mħeġġeġ il-moviment ħieles tal-ħaddiema u ċ-ċittadini u l-familji tagħhom fl-UE. Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Kumitat jappoġġja l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tan-netwerk tal-EURES għal dawk il-kategoriji ta' ċittadini li jkunu qed ifittxu apprendistati, traineeships fuq il-post tax-xogħol, jew kull opportunità oħra li tinvolvi kuntratt ta' xogħol sakemm dan ikun b'konformità mal-Artikoli 45 u 46 tat-TFUE. Dan isir sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jibqgħu fi Stat Membru għal skop ta' impjieg b'konformità mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-impjieg ta' ċittadini ta' dak l-Istat Membru stabbiliti minn liġi, regolamenti jew azzjoni amministrattiva.

1.7

Il-KESE jtenni wkoll li, fid-dawl tal-mandat estiż tal-EURES u r-rwoli l-ġodda fis-servizzi ta' appoġġ, l-Uffiċċji Nazzjonali għall-Koordinazzjoni għandu jkollhom biżżejjed persunal u riżorsi oħra biex iwettqu x-xogħol, inkluż skemi ta' taħriġ tajbin għall-istaff.

1.8

Il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jagħmlu użu mill-appoġġ tekniku tal-Kummissjoni u biex jirrispettaw l-iskadenzi biex jitwaqqaf inventarju inizjali tas-sistemi ta' klassifikazzjoni nazzjonali tagħhom. B'hekk ikun possibbli li jsir tqabbil komparattiv tad-data kollha ta' klassifika mal-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO).

1.9

Il-KESE jilqa' l-fatt li s-sistema l-ġdida ta' finanzjament m'għandhiex thedded ir-rwol tas-sħubijiet transkonfinali tal-EURES, u jemmen li dawn għandhom ikomplu jiġu appoġġjati permezz ta' attivitajiet pan-Ewropej, bil-possibbiltà li jiġu komplementati mir-riżorsi nazzjonali jew mill-FSE.

1.10

Fir-rigward tal-ġbir tad-data u l-indikaturi, il-KESE josserva li hemm bżonn ta' sensittività fil-mod kif ir-regolament jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri b'rabta mat-trasferiment tal-informazzjoni u l-istatistika dwar, pereżempju, ħaddiema mobbli fejn m'hemm l-ebda sistema disponibbli għall-monitoraġġ ta' xi indikaturi. Il-Kumitat jipproponi li l-indikaturi kwantitattivi jiġu komplementati minn indikaturi kwalitattivi.

1.11

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-rwol kruċjali tal-imsieħba soċjali fil-livelli kollha bħala partijiet interessati ewlenin fis-suq tax-xogħol. Huwa jappella biex dawn isiru msieħba sħaħ, bi rwoli li jħaddnu l-konsulenza u l-għajnuna għall-intrapriżi u l-ħaddiema u informazzjoni dwar kwistjonijiet tal-kumpaniji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom joħolqu sistemi li jippermettu lill-imsieħba soċjali jieħdu sehem b'mod effettiv fl-uffiċċji nazzjonali għall-koordinazzjoni, b'kunsiderazzjoni tal-prattiki u s-sistemi leġislattivi nazzjonali.

1.12

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta pakkett leġislattiv adegwat biex tittejjeb il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u r-rikonoxximent u t-trasferiment tad-drittijiet akkwistati mill-impjegati.

1.13

Fir-rigward tal-protezzjoni tad-data l-KESE jirrakkomanda li l-KE tikkunsidra r-rakkomandazzjonjijet tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) tat-3 ta' April 2014.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-ekonomija tal-UE reġgħet qabdet it-triq lejn it-tkabbir, b'livelli ta' qgħad relattivament stabbli minn nofs l-2013 'l hawn (1). Il-qgħad fit-tul għadu qed jiżdied minħabba l-persistenza tal-kriżi. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ jinsab f'livelli allarmanti u l-faqar fost il-parti tal-popolazzjoni li qed taħdem qed jiżdied ukoll (2).

2.2

Is-sitwazzjoni teħtieġ b'mod urġenti l-implimentazzjoni tal-miżuri u l-istrumenti kollha biex tingħata spinta lill-ftuħ u d-dinamiżmu tas-swieq tax-xogħol tal-Ewropa, biex ikun hemm tlaqqigħ aħjar bejn il-provvista u d-domanda u biex tiżdied il-mobilità tax-xogħol fl-UE. Jekk tiżdied il-mobilità fi ħdan l-UE jiżdiedu l-opportunitajiet tal-impjieg għall-ħaddiema u tgħin lil min iħaddem biex jimla l-postijiet vakanti b'mod aħjar u iktar malajr (3).

2.3

Fl-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi (4), il-Kummissjoni ħadet l-impenn li tirriforma n-netwerk tal-EURES biex ittejjeb il-kapaċità tiegħu għat-tlaqqigħ u l-kollokament għas-servizz tal-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi (inkluż l-inizjattiva “L-ewwel impjieg EURES tiegħek”).

2.4

L-impenn tal-aġġornament tal-EURES deher ukoll fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE (5) u jinseġ ma' inizjattivi oħra tal-Kummissjoni għall-appoġġ tal-moviment ħieles tal-ħaddiema fl-UE (6), mal-ħolqien ta' Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg (PES) (7), mal-implimentazzjoni ta' pakkett ta' miżuri tal-impjieg (8), u mal-istrumenti kollha biex iż-żgħażagħ jibdew jaħdmu (9).

2.5

Għall-KESE, il-moviment ħieles tal-ħaddiema abbażi tan-nondiskriminazzjoni u t-trattament indaqs (10) u t-tneħħija tal-ostakli li fadal għall-mobilità (11) jibqgħu waħda mill-prijoritajiet tal-UE. F'għadd tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu huwa appella biex il-EURES (12) isir strument ġenwin għat-tlaqqigħ tal-provvista mad-domanda fis-suq tax-xogħol Ewropew.

3.   Il-kontenut essenzjali tal-proposta

3.1

In-netwerk tal-EURES għadda minn xi bidliet wara li l-Kummissjoni ħadet deċiżjoni (13) fuq inizjattiva proprja fl-2012. Madankollu, il-Kapitolu II tar-Regolament 492/2011, li jikkostitwixxi l-qafas regolatorju Ewropew għall-approvazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-mobilità tax-xogħol fl-UE, bilkemm ġie emendat mill-1992 'l hawn. Fir-rigward tar-Regolament li għadu kif ġie propost, il-Karta dwar il-EURES ser tiġi riveduta (14).

3.2

Il-forom ġodda ta' mobilità u bidliet fit-teknoloġiji għal-qsim tad-data dwar il-postijiet vakanti, flimkien mal-użu ta' ħafna mezzi ta' reklutaġġ varjati mill-persuni li qed ifittxu impjieg u l-impjegaturi, ir-rwol dejjem ikbar tas-sensara fis-suq tax-xogħol, iżda anke l-għadd dejjem ikbar ta' ħaddiema determinati li jaħdmu barra pajjiżhom: dan kollu jeħtieġ riforma urġenti u komprensiva ta' kif jaħdem il-EURES.

3.3

L-iktar għażla adatta biex jinkisbu malajr l-għanijiet u jiġu eliminati n-nuqqasijiet identifikati hi li jiddaħħal regolament ġdid u jinħoloq strument separat. L-intenzjoni hi li l-EURES isir strument ġenwin għall-kollokament u r-reklutaġġ tal-ħaddiema abbażi tan-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali. Ftit ftit in-netwerk ser jespandi biex jinkludi l-apprendistati u t-traineeships (il-proġett pilota "L-Ewwel Impjieg EURES tiegħek).

3.4

Qabel ma adottat id-Deċiżjoni tal-2012, u abbażi tal-valutazzjoni mwettqa mill-EURES fl-2010 (15), il-Kummissjoni wettqet eżerċizzju ta' konsultazzjoni dwar in-nuqqasijiet attwali u triq potenzjali li n-netwerk jista' jieħu fil-futur. Il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Moviment Ħieles tal-Ħaddiema, li kellu jaqdu rwol iktar attiv fil-proċess, ġie kkonsultat dwar il-proposta.

3.5

Il-valutazzjoni nnotat għadd ta' nuqqasijiet fundamentali fil-EURES. L-iktar sinifikanti fosthom kienu: 1) ġabra mhux kompluta ta' postijiet vakanti u CVs aċċessibbli fil-livell tal-UE għall-Istati Membri kollha; 2) kapaċità limitata ta' tlaqqigħ għall-portal tal-EURES; 3) aċċess żbilanċjat għas-servizzi tal-EURES madwar l-UE; 4) disponibbiltà limitata għall-għajnuna fit-tlaqqigħ, ir-reklutaġġ u l-kollokament għal min qed ifittex ix-xogħol u l-impjegaturi u 5) l-ineffiċjenza fl-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar in-nuqqas u l-eċċess ta' ħaddiema.

3.6

Il-EURES ma jistax jibqa' jaħdem kif inhu. L-Istati Membri kollha appoġġjaw l-idea li jingħata direzzjoni ġdida u li jiddaħħlu ċiklu ta' programmazzjoni u indikaturi komuni dwar l-attivitajiet tal-EURES bil-għan li tiżdied it-trasparenza dwar il-prestazzjoni, jittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni u tittejjeb il-koordinazzjoni operattiva.

3.7

Informazzjoni bażika dwar in-netwerk tal-EURES għandha tkun disponibbli madwar l-Unjoni għal kwalunkwe persuna li qed tfittex ix-xogħol jew impjegatur li qed ifittxu servizzi ta' klijent għar-reklutaġġ. Dawn għandhom jiġu offruti aċċess għan-netwerk tal-EURES u l-operazzjonijiet tan-netwerk għandhom jiġu appoġġjati permezz ta' skambju ta' informazzjoni dwar in-nuqqas u l-eċċess ta' ħaddiema fil-livell nazzjonali.

3.8

L-għan tal-proposta hu li tintlaħaq sitwazzjoni fejn il-portal tal-EURES ikollu provvista kważi sħiħa ta' postijiet vakanti, fejn il-persuni madwar l-Ewropa li qed ifittxu x-xogħol ikollhom aċċess immedjat għall-istess postijiet vakanti. Fl-istess ħin, ser ikun hemm ġabra sħiħa ta' CVs disponibbli li kull impjegatur reġistrat ikun jista' jirrekluta minnha.

3.9

Ser ikun importanti li jiġi żgurat li l-portal tal-EURES ikun kapaċi jagħmel tlaqqigħ awtomatiku sod bejn il-postijiet vakanti u s-CVs fl-Istati Membri kollha, bi traduzzjonijiet fil-lingwi kollha u fehim tal-ħiliet, kompetenzi, kwalifiki u okkupazzjonijiet akkwistati fil-livell nazzjonali u settorjali.

3.10

Kull ħidma li l-Kummissjoni twettaq għan-netwerk tal-EURES li teħtieġ riżorsi umani u/jew finanzjarji taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi l-programm għall-Impjieg u l-Innovazzjoni Soċjali (“EaSI”) (16) (għall-perjodu 2014-2020).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Definizzjonijiet

4.1.1

Fid-dawl tat-tendenzi l-ġodda fil-mobilità u l-bżonn ikbar għal mobilità ġusta l-KE għandha tiddefinixxi l-mobilità ġusta b'mod adegwat. Bħala bażi l-KE tista' tuża l-kliem eżistenti fit-Taqsima 2 tar-Regolament 492/2011 u fl-istess ħin tagħmilha ċara li l-mobilità ġusta għandha tinfiehem ukoll li tinkludi d-dritt għall-aċċess u l-benefiċċju tal-offerta sħiħa tal-impjiegi fl-UE.

4.1.2

Il-kunċett tal-mobilità għandu dejjem iqis il-fehmiet u s-sitwazzjoni speċifika ta' kull pajjiż, sabiex jiġi żgurat li t-talent ikun jista' jiċċirkula b'mod effettiv. B'konformità mal-Artikolu 26 tal-Proposta, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw politiki dwar il-mobilità bħala parti integrali mill-politiki tagħhom dwar l-impjieg.

4.2   Trasparenza

4.2.1

Il-KESE jifhem l-intenzjoni tal-Kummissjoni li testendi l-prinċipju tat-trasparenza għal entitajiet oħra iżda jista' jara li hemm ir-riskji jekk is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, l-aġenziji privati tal-impjiegi u organizzazzjonijiet oħra li jipprovdu servizzi tal-impjieg ma jżommux l-istess standards f'termini ta' kwalità (bħal dawk applikati għas-servizzi pubbliċi ta' impjieg). Is-sistema għandha tkun trasparenti u tirrispetta l-prinċipju tat-trattament ugwali għall-organizzazzjonijiet applikanti.

4.2.2

Fl-istess ħin, il-proposta titlob li, min-naħa tagħhom, is-servizzi pubbliċi tal-impjieg u msieħba oħra tal-EURES jiżguraw aċċess aħjar għall-portal tal-EURES lil min qed ifittex l-impjieg fil-portali tagħhom stess. F'xi pajjiżi huwa diffiċli ħafna li wieħed jikkuntattja konsulent tal-EURES. Ħafna minn dawk li qed ifittxu impjieg jiffaċċjaw ukoll għadd ta' ostakli burokratiċi u finanzjarji, b'mod partikolari ż-żgħażagħ.

4.2.3

Barra minn hekk, l-esperjenza riċenti turi li ftit hemm sensibilizzazzjoni dwar in-netwerk tal-EURES u s-servizzi tiegħu f'ħafna pajjiżi, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ. U kien hemm biss terz tal-impjegaturi li kienu semgħu dwar il-EURES qabel ma għamlu kuntatt man-netwerk. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw u jippromovu s-servizzi tal-EURES b'mod aħjar biex jiżguraw li d-deċiżjoni tal-persuni li jaċċettaw impjieg f'pajjiż ieħor tkun ibbażata fuq informazzjoni sħiħa.

4.2.4

Il-Kumitat jilqa' l-estensjoni tan-netwerk tal-EURES għal dawk il-kategoriji ta' ċittadini, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, li qed ifittxu apprendistat, traineeship jew kwalunkwe opportunità oħra li tinvolvi kuntratt tal-impjieg b'konformità mal-Artikoli 45 u 46 tat-TFUE, sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jibqgħu fi Stat Membru għal skop ta' impjieg b'konformità mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-impjieg ta' ċittadini ta' dak l-Istat Membru stabbiliti minn liġi, regolamenti jew azzjoni amministrattiva.

4.2.5

Il-KESE jilqa' wkoll l-enfasi fuq l-appoġġ għall-kooperazzjoni transkonfinali u l-użu ta' punt uniku ta' servizz għall-komunikazzjoni mal-ħaddiema u min iħaddem fiż-żoni konfini. Huwa jirrakkomanda li jintużaw l-punti ta' kuntatt għall-intrapriżi li huma diġà stabbiliti.

4.2.6

Is-sħubijiet tal-EURES-T, li jlaqqgħu flimkien is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, it-trade unions, l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-impjegaturi u, f'xi każijiet, il-gvern lokali jew reġjonali, għandhom jissaħħew u r-rwol tagħhom speċifikat b'mod ċar.

4.2.7

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn in-netwerk tal-EURES u s-SOLVIT, il-portal tal-UE għall-konsulenza u l-informazzjoni dwar is-suq uniku. Dan japplika b'mod partikolari għal dawk id-dispożizzjonijiet (Artikolu 7(4)) dwar l-appoġġ mill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Koordinazzjoni f'każ ta' lmenti dwar il-postijiet vakanti u r-reklutaġġ fin-netwerk tal-EURES, kif ukoll kooperazzjoni ma' korpi pubbliċi bħall-ispettorati tax-xogħol.

4.3   Tlaqqigħ awtomatizzat permezz tal-pjattaforma informatika komuni

4.3.1

Għad li l-mekkaniżmu għall-ibbilanċjar tal-provvista u d-domanda huwa diġà mnaqqax fl-Artikolu 13 tar-Regolament 492/2011 (17), bħalissa mhu qed isir l-ebda skambju elettroniku ta' CVs u informazzjoni oħra dwar min qed ifittex xogħol.

4.3.2

Il-KESE jagħraf li l-interoperabilità ma teħtiġx l-armonizzazzjoni tas-sistemi ta' klassifikazzjoni nazzjonali f'dan l-istadju. Madankollu, huwa jappoġġja t-tentattiv tal-Kummissjoni biex l-Istati Membri jwettqu inventarju inizjali tas-sistemi ta' klassifikazzjoni tagħhom. Dan jagħmilha possibbli li jsir tqabbil komparattiv tad-data kollha ta' klassifikazzjoni mal-klassifika Ewropea għall-ħiliet/kompetenzi, kwalifiki u okkupazzjonijiet (ESCO), li ser iservu bħala l-istrumenti għall-iskambju awtomatiku u l-interoperabilità sħiħa bejn l-awtoritajiet nazzjonali.

4.4   Servizzi ta’ appoġġ

4.4.1

In-netwerk tal-EURES għandu jipprovdi pakkett komprensiv ta' servizzi għall-klijenti tiegħu (persuni li qed ifittxu x-xogħol u impjegaturi): sensibilizzazzjoni, indirizzar ta' informazzjoni, introduzzjoni ta' mekkaniżmi biex ir-reġistrazzjoni ssir eħfef, monitoraġġ tas-CVs u l-postijiet vakanti, tlaqqigħ awtomatiku, kollokament ta' impjiegi, għajnuna bir-reklutaġġ, u għoti lill-applikanti ta' dettalji ta' kuntatt ta' organizzazzjonijiet rilevanti, speċjalment it-trade unions, li jistgħu jduru lejhom ladarba jiġu impjegati.

4.4.2

Is-servizzi għall-ħaddiema u għal min iħaddem għandhom ikunu mingħajr ħlas.

4.4.3

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Istati Membri ser ikollhom ikunu iktar sistematiċi fl-iskambju tal-informazzjoni nazzjonali dwar in-nuqqas u l-eċċess ta' ħaddiema u dwar il-politiki f'dal-qasam. Madankollu, dan ir-Regolament ma jkoprix id-deċiżjonijiet dwar politiki bħal dawn.

4.4.4

Il-KESE jqis li huwa importanti li jkun hemm demarkazzjoni ċara tas-setgħat u l-obbligi bejn l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni, li l-kompitu tiegħu hu li joħloq qafas koerenti u jipprovdi appoġġ orizzontali, u l-Uffiċċji Nazzjonali għall-Koordinazzjoni, is-servizzi pubbliċi tal-impjieg u l-imsieħba tal-EURES.

4.4.5

Bl-espansjoni tal-kompetenzi tal-EURES, l-Uffiċċji Nazzjonali għall-Koordinazzjoni ser iwettqu sensiela ta' rwoli ġodda u għal dan għandu jkollhom persunal u fondi biżżejjed, inkluż skemi ta' taħriġ tajbin għall-istaff. Il-KE għandha tiżgura li jirċievu assistenza teknika u konsultattiva kemm jista' jkun.

4.4.6

Tkun ħaġa utli jekk l-Uffiċċji Nazzjonali għall-Koordinazzjoni jfasslu programmi ta' ħidma għall-organizzazzjonijiet involuti fil-ħidma tan-netwerk tal-EURES f'pajjiżhom. Dawn il-programmi jkunu jistabbilixxu l-attivitajiet ippjanati, l-istaff u l-fondi totali allokati għall-implimentazzjoni tagħhom u l-mekkaniżmi għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-azzjoni ppjanata.

4.5   Protezzjoni tad-data personali

4.5.1

Il-miżuri tar-Regolament iridu jiġu implimentati b'konformita mal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali (18). Il-kunsens tal-ħaddiema dwar l-informazzjoni mogħtija lill-portal tal-EURES għandu jkun espliċitu, mhux ambigwu, minn jeddhom, speċifiku u informat.

4.5.2

Il-mira hija li tiġi żgurata kemm a) il-konformità effettiva mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-libertà tal-individwi kif ukoll b) iċ-ċirkulazzjoni ħielsa tad-data personali bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità jew bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għal għanijiet konnessi mal-eżerċitar tal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

4.5.3

Il-KESE jinnota li qed ikomplu għaddejjin il-konsultazzjonijiet mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, ħaġa li tirrifletti r-rwol ġdid u estiż tan-netwerk tal-EURES. Il-KESE jirrakkomanda li l-KE tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Opinjoni tal-KEPD tat-3 ta' April (19)

4.6   Bidliet fil-finanzjament mill-FSE

4.6.1

Il-KESE jilqa' l-fatt li s-sistema l-ġdida ta' finanzjament mhix ser thedded ir-rwol importanti tas-sħubijiet transkonfinali tal-EURES, speċjalment fir-reġjuni esposti, u jemmen li dawn għandhom ikomplu jiġu appoġġjati permezz ta' attivitajiet pan-Ewropej, bil-possibbiltà li jiġu komplementati mir-riżorsi nazzjonali jew mill-FSE.

4.6.2

Rigward l-FSE, dan għandu jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-EURES b'mod ċar u jipprovdi appoġġ adatt. Il-proċeduri għall-applikazzjoni u l-għoti tal-għotjiet għandhom jibqgħu koerenti, trasparenti u faċli.

4.7   Ir-rwol tal-imsieħba soċjali

4.7.1

Il-Kummissjoni Ewropea ssemmi definizzjoni ġdida tar-rwol tal-imsieħba soċjali (20). Dawn għandhom ikunu involuti bis-sħiħ fiċ-ċiklu ta' programmazzjoni u rappurtar u jiġu mistiedna għal-laqgħat.

4.7.2

Madankollu, il-KESE jenfasizza r-rwol fundamentali tal-imsieħba soċjali fil-livelli kollha bħala parteċipanti ewlenin fis-suq tax-xogħol li huma involuti sew fil-ħidma ta' EURES biex ilaqqgħu l-ħiliet mal-postijiet vakanti. Ir-rwol tagħhom m'għandux jitnaqqas għal dak ta' membri assoċjati (21). L-Uffiċċji Nazzjonali għall-Koordinazzjoni, b'mod partikolari, għandhom isaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet professjonali. Il-Kumitat jipproponi li l-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew u dak nazzjonali għandhom jipparteċipaw b'mod adatt fl-attivitajiet tal-Uffiċċju Ewropew u l-uffiċċji nazzjonali għall-koordinazzjoni.

4.8   Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-ħidma tal-EURES dwar l-impjieg

4.8.1

Sabiex jiġi żgurat li hemm biżżejjed informazzjoni li biha tista' titkejjel il-prestazzjoni tan-netwerk EURES, għandhom jiddaħħlu indikaturi komuni biex jiggwidaw lill-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fin-netwerk biex jidentifikaw ir-riżultati tagħhom. Dawn għandhom jgħinu wkoll fil-valutazzjoni tal-progress li sar kif imqabbel mal-għanijiet stabbiliti għan-netwerk tal-EURES kollu kemm hu. Huwa importanti wkoll li jintużaw indikaturi kwalitattivi bħall-kwalità tal-impjiegi, it-trattament indaqs u d-drittijiet tas-sigurtà soċjali. Hemm bżonn ta' sensittività fil-mod kif ir-Regolament jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri b'rabta mat-trasferiment tal-informazzjoni u l-istatistika dwar, pereżempju, il-ħaddiema mobbli fejn m'hemm l-ebda sistema disponibbli għall-monitoraġġ ta' ċerti indikaturi.

Brussell, 4 ta' Ġunju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2013) 801 final.

(2)  COM(2014) 12 final.

(3)  Mill-forza tax-xogħol kollha tal-Ewropa ta' 241 miljun, hemm biss 7,5 miljun persuna (3,1 %) li huma ekonomikament attivi fi Stat Membru ieħor.

(4)  COM(2010) 682 final, 23.11.2010 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  COM(2013) 269 final, (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  COM(2013) 236 final.

(7)  COM(2013) 430 final.

(8)  COM (2012) 173.

(9)  COM (2012) 727 (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  ĠU C 341, 21.1..2013, p.54-58.

(11)  ĠU C 228, 22.09.2009, p.14.

(12)  ĠU C 67, 06.03.2014, p. 116-121; OJ C 214, 8.7.2014, p. 36–39.

(13)  COM(2014) 6 final 2014/0002(COD).

(14)  SWD(2012) 100 Reforming EURES to meet the goals of Europe 2020, accompanying document to COM(2012) 173 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  COM(2010) 731 final.

(16)  ĠU L347, 20.12.2013, p. 238.

(17)  “Is-servizz speċjalizzat ta’ kull Stat Membru għandu regolarment jibgħat lis-servizzi speċjalizzati tal-Istati Membri l-oħra u lill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni [...]: (a) dettalji tal-postijiet vakanti li jistgħu jimtlew minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra; (b) dettalji tal-postijiet vakanti indirizzati lil pajjiżi terzi; (c) dettalji tal-applikazzjonijiet għal impjieg ta’ dawk li esprimew formalment ix-xewqa li jaħdmu fi Stat Membru ieħor; (d) informazzjoni, skont ir-reġjun u l-fergħa ta’ attività, dwar applikanti li ddikjaraw li huma effettivament lesti jaċċettaw impjieg f'pajjiż ieħor.”

(18)  Regolament (KE) Nru 45/2001, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

Id-Direttiva 95/46/KE teħtieġ li l-Istati Membri jipproteġu “d-drittijiet fundamentali u l-libertà ta' persuni naturali, u b'mod partikolari id-dritt tagħhom għall-privatezza fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali, sabiex tiġi żgurata t-tmexxija ħielsa ta' data personali fil-Komunità.”

(19)  http://edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2014/14-04-03_Workers_mobility_EN.pdfhttp://edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2014/14-04-03_Workers_mobility_EN.pdf

(20)  Ara l-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Moviment Liberu tal-Ħaddiema li saret fit-12 ta' April 2013.

(21)  Ittra konġunta minn BUSINESSEUROPE, CEEP, ETUC, u UEAPME lill-Kummissarju László Andor, 19.12.2012.


26.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Eworpew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi (bħall-gass tax-shale) fl-UE bl-użu tal-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli”

COM(2014) 23 final

2014/C 424/05

Relatur:

is-Sur Zbořil

Korelatur:

is-Sur Ioniţă

Nhar it-22 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Eworpew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi (bħall-gass tax-shale) fl-UE bl-użu tal-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli

COM(2014) 23 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-22 ta' Mejju 2014.

Matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta' Ġunju (seduta tal-4 ta' Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b' 163 vot favur, 18-il vot kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-UE għaddejja minn trasformazzjonijiet enormi fil-qasam tal-enerġija; l-ekonomija Ewropea u l-konsumaturi vulnerabbli qed jiffaċċjaw riskju dejjem jikber ta' provvista mhux ta' min joqgħod fuqha u prezzijiet għoljin tal-enerġija.

1.2

Il-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli (“fracking”) tqajjem tħassib dwar l-effetti tagħha fuq is-saħħa pubblika u l-ambjent; jeħtieġ li tingħata l-aqwa informazzjoni lill-komunitajiet konċernati sabiex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni tagħhom, jeħtieġ ukoll li jkun hemm aktar involviment lokali meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar proġetti individwali b'konformità mar-rekwiżiti legali rispettivi.

1.3

Il-linji gwida ta' politika tal-Kummissjoni dwar l-estrazzjoni tal-idrokarburi mhux konvenzjonali jikkonsistu f'sett ta' prinċipji li jridu jiġu implimentati mill-Istati Membri fi żmien sitt xhur u sussegwentament sistema ta' monitoraġġ. It-trasparenza fir-rigward tal-attivitajiet ta' esplorazzjoni u estrazzjoni titqies bħala kruċjali sabiex jiġu minimizzati r-riskji u tiġi żgurata l-aċċettazzjoni pubblika għal dawn il-proġetti.

1.4

Il-KESE jemmen li d-dokumenti tal-Kummissjoni (il-Komunikazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet) huma bbażati fuq viżjoni realistika tas-suġġett u li d-diskussjonijiet sussegwenti għandhom jibbażaw fuq fatti u sejbiet, iżda jeħtieġ ukoll li jitqiesu fatturi suġġettivi importanti bħalma hija l-perċezzjoni pubblika tar-riskju. Il-KESE għandu viżjoni bilanċjata tar-rwol potenzjali tal-idrokarburi mhux konvenzjonali fit-taħlita enerġetika tal-UE.

1.5

Il-KESE japprezza l-proċess rapidu, fejn ir-Rakkomandazzjonijiet jiffaċilitaw it-tnedija ta' proċessi trasparenti ta' approvazzjoni għal attivitajiet esploratorji f'pajjiżi li jqisu li l-użu ta' idrokarburi mhux konvenzjonali huwa indispensabbli għall-ħtiġijiet enerġetiċi tagħhom.

1.6

Il-KESE jemmen li dan il-qafas, jekk jiġi implimentat b'mod korrett, huwa suffiċjenti għall-użu fil-livell tal-komunità lokali u li mhemmx bżonn tiġi adottata direttiva speċifika għall-gass tax-shale, għallinqas għalissa. L-acquis tal-UE jipprovdi mezzi adegwati biex jinstabu soluzzjonijiet għall-effetti transkonfinali tal-fratturazzjoni, f'każ li jkun hemm. Jekk fil-ġejjieni jiżdied sostanzjalment il-volum ta' dawn l-attivitajiet, il-kwistjoni għandha tiġi analizzata mill-ġdid.

1.7

Il-KESE jixtieq jenfasizza li dawn ir-riżorsi ta' idrokarburi mhux konvenzjonali, meta jiġu żviluppati fi ħdan il-qafas istituzzjonali it-tajjeb, jistgħu jkunu fattur ta' tkabbir fl-Ewropa. Hija meħtieġa ġenerazzjoni relattivament nadifa, ta' min joqgħod fuqha u flessibbli, u bbażata fuq fjuwils fossili sabiex jiġi evitat żbilanċ fis-sistemi tal-elettriku. Barra minn hekk, il-kriżijiet politiċi frekwenti fil-viċinat tal-Lvant tal-UE juru kemm huwa importanti li jkollok diversifikazzjoni f'waqtha ta' sorsi ta' provvista.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda li jiġu enfasizzati għadd ta' punti dwar it-teknoloġija tal-fratturazzjoni fid-dokumenti li jmiss tal-Kummissjoni. Il-konsum tal-ilma mhuwiex għoli daqs kemm ta' spiss nassumu li hu, għalkemm l-attività f'żoni fejn hemm pressjoni għolja għoli fuq l-ilma teħtieġ attenzjoni speċjali; il-kimiki użati huma soġġetti għar-regolazzjoni (taħt ir-REACH), u m'għandha tintuża l-ebda sustanza perikoluża; it-tnixxijiet ta' gass kif ukoll il-ħruq ta' skart ta' gass għandhom jiġu ġestiti sew. Japplika l-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas”.

1.9

Il-KESE jenfasizza li, għall-ġustizzja soċjali u l-aċċettazzjoni pubblika tal-idrokarburi mhux konvenzjonali, huwa kruċjali li d-dħul mir-royalties u d-dazji tas-sisa għandu jinqasam mal-baġits lokali tal-komunitajiet konċernati b'mod trasparenti u prevedibbli, sabiex dawn jiġu kumpensati għal kwalunkwe esternalità negattiva li tista' sseħħ.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-UE għaddejja minn trasformazzjonijiet enormi fil-qasam tal-enerġija, determinati minn fatturi sovrapposti bħalma huma avvanzi rivoluzzjonarji teknoloġiċi importanti (li jikkonċernaw kemm l-enerġiji minn sorsi rinnovabbli kif ukoll il-fjuwils fossili), ċaqliq ġeopolitiku maġġuri u miri politiki ambizzjużi li kultant iwasslu għal azzjonijiet kumplessi li l-effetti tagħhom huma diffiċli biex wieħed isib soluzzjoni għalihom. Iżda filwaqt li s-sorsi tal-enerġija żgur li mmultiplikaw u ddiversifikaw, l-ekonomija Ewropea u l-konsumaturi vulnerabbli qed jiffaċċjaw riskju dejjem jikber ta' provvista mhux ta' min joqgħod fuqha u prezzijiet għoljin.

2.2

Waħda mit-teknoloġiji l-ġodda li dehru f'dawn l-aħħar deċennji kienet dik tal-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli – “fracking” – li fl-Istati Uniti mmaturat malajr u mingħajr dubju ġabet benefiċċji billi żiedet l-istokk tal-gass naturali disponibbli għall-isfruttament ekonomiku u naqqset il-prezzijiet sostanzjalment. Fl-istess ħin, il-fratturazzjoni tqajjem tħassib dwar l-effetti tagħha fuq is-saħħa pubblika u l-ambjent, filwaqt li l-pubbliku jilmenta dwar il-livell mhux suffiċenti ta' trasparenza u konsultazzjoni dwar l-attivitajiet tal-gass tax-shale. Jeħtieġ li l-komunitajiet konċernati jkunu infurmati aħjar, u jetħieġ ukoll li jkun hemm aktar involviment lokali fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar proġetti individwali, inkluż fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt kif mitlub mill-obbligi legali applikabbli.

2.3

Il-KESE jixtieq isaħħaħ il-messaġġ tal-Kummissjoni – jiġifieri li r-riżorsi tal-idrokarburi mhux konvenzjonali, żviluppati fi ħdan il-qafas istituzzjonali t-tajjeb, jistgħu jkunu fattur għat-tkabbir fl-Ewropa. It-tagħlima mit-tnedija tas-sorsi tal-enerġiji rinnovabbli turi li fil-futur prevedibbli xorta ser tibqa' l-ħtieġa għal ġenerazzjoni relattivament nadifa, ta' min joqgħod fuqha u flessibbli bbażata fuq il-fjuwils fossili, sabiex jiġi evitat żbilanċ fis-sistemi tal-elettriku. Barra minn hekk, il-kriżijiet politiċi frekwenti fil-viċinat tal-Lvant tal-UE juru, għal darb'oħra, kemm huwa importanti li jkollok diversifikazzjoni ta' sorsi ta' provvista.

3.   Id-dokument tal-Kummissjoni

3.1

L-ekonomiji u ċ-ċittadini Ewropej jeħtieġu enerġija li hija sostenibbli, affordjabbli u li l-provvista tagħha hija sigura u ta' min joqgħod fuqha. Livell għoli ta' dipendenza fuq l-importazzjonijiet u diversifikazzjoni baxxa ta' riżorsi tal-enerġija, fost fatturi oħra, ikkontribwixxew għal żieda fil-prezzijiet fl-UE, b'mod partikolari meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta' wħud mill-kompetituri ewlenin tagħna.

3.2

Il-progress teknoloġiku ppermetta l-aċċess għall-fjuwils fossili mhux konvenzjonali li preċedentement kienu wisq diffiċli u għaljin biex jiġu estratti. Fl-Istati Uniti, is-sorsi tal-gass mhux konvenzjonali attwalment ikopru 60 % tal-produzzjoni tal-gass domestiku fejn il-gass tax-shale għandu l-ogħla rata ta' tkabbir, u jwassal biex provvisti orħos ta' faħam mill-Istati Uniti jkunu disponibbili għall-esportazzjoni, b'mod speċjali lejn l-UE.

3.3

Ir-riżervi potenzjali ta' gass naturali mill-formazzjoni tax-shale qanqlu aspettattivi għoljin f'partijiet tal-UE: il-gass tax-shale jista' jkun sostitut possibali għal fjuwils fossili b'intensità iktar qawwija ta' karbonju, jista' jnaqqas id-dipendenza fuq il-fornituri tal-enerġija li mhumiex parti mill-UE, u jista' joħloq aktar impjiegi, tkabbir ekonomiku u introjtu pubbliku. Għaldaqstant, uħud mill-Istati Membri huma attivi fl-esplorazzjoni tal-gass tax-shale.

3.4

Madankollu, ir-riskji marbuta mat-teknika tal-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli ħafna, ta' spiss imsejħa “fracking”, iqajmu tħassib dwar l-effetti tagħha fuq is-saħħa pubblika u l-ambjent. Parti kbira mill-popolazzjoni tħoss ukoll li hemm livell mhux suffiċjenti ta' prekawzjoni, trasparenza u konsultazzjoni pubblika fir-rigward tal-attivitajiet tal-gass tax-shale. Xi Stati Membri ddeċidew li jipprojbixxu l-fratturazzjoni idrawlika jew jimponu moratorji

3.5

B'rispons għat-tħassib pubbliku, il-Kummissjoni qablet li tiżviluppa qafas għall-estrazzjoni mingħajr perikli u sigura tal-idrokarburi mhux konvenzjonali fl-UE, bil-għan li:

jiġi żgurat li, f'dawk l-Istati Membri li jagħżlu li jagħmlu hekk, l-opportunitajiet għad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u għat-titjib tal-kompetittività jkunu jistgħu jintużaw bla periklu u b'mod effettiv;

jipprovdi ċarezza u prevedibbiltà kemm għall-operaturi tas-suq kif ukoll għaċ-ċittadini, inkluż għall-proġetti ta' esplorazzjoni; u

jikkunsidra bis-sħiħ l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra u l-ġestjoni tar-riskji tal-klima u l-ambjent, inklużi dawk għas-saħħa, b'konformità mal-aspettattivi pubbliċi.

3.6

Din il-Komunikazzjoni takkumpanja Rakkomandazzjoni, komplementari għall-acquis tal-UE attwali, li tipprovdi l-prinċipji minimi għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarburi permezz tal-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli. L-għan ta' din ir-Rakkomandazzjoni huwa li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp mingħajr perikli u sigur ta' dawn ir-riżorsi, u biex jitrawmu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għal din l-industrija fl-Istati Membri tal-UE kollha li jagħżlu li jiżviluppawhom.

3.7

Fuq il-bażi tal-informazzjoni attwalment disponibbli, jidher li l-produzzjoni tal-gass naturali mill-formazzjonijiet tax-shale għandha l-ogħla potenzjal fl-Ewropa meta mqabbla ma' fjuwils fossili oħra mhux konvenzjonali: ir-riżorsi tal-gass tax-shale teknikament irkuprabbli ġew stmati li huma madwar 16-il triljun metri kubi (tcm), li huwa ħafna ogħla minn dawk għall-gass kompressat (3 tcm) jew għall-metan mis-saffi tal-faħam (2 tcm). Bl-iżvilupp tal-proġetti ta' esplorazzjoni għandu jinkiseb aktar għarfien dwar ir-riżorsi ekonomikament irkuprabbli mill-formazzjonijiet tax-shale u minn sorsi mhux konvenzjonali oħra ta' gass u żejt.

3.8

Għall-Istati Membri li għandhom dipendenza kbira fuq l-importazzjoni, it-teknika l-ġdida tista' toffri l-possibbiltà li jiddiversifikaw is-sorsi tal-enerġija tagħhom u jżidu s-sigurtà tal-provvista tagħhom. Anki tnaqqis moderat jew żieda li tiġi evitata fil-prezzijiet tal-gass – pereżempju permezz ta' tisħiħ jew żamma tal-pożizzjoni ta' negozjar ma' fornituri tal-gass barra mill-UE – għandhom ikunu ta' benefiċċju għall-Istati Membri. L-attivitajiet tal-gass tax-shale għandhom ukoll il-potenzjal li jġibu benefiċċji ekonomiċi diretti jew indiretti, pereżempju permezz ta' investiment reġjonali fl-infrastruttura, opportunitajiet diretti jew indiretti tal-impjieg, u dħul pubbliku permezz ta' taxxi, tariffi u royalties.

3.9

L-esperti jaqblu li l-estrazzjoni tal-gass tax-shale ġeneralment twassal għal impronta ambjentali akbar meta mqabbla mal-iżvilupp tal-gass konvenzjonali: din teħtieġ teknika aktar intensiva ta' stimulazzjoni tal-bjar, isseħħ prinċipalment fuq l-art u tkopri żoni aktar estensivi. Barra minn hekk, peress li l-produttività tal-bjar tal-gass tax-shale hija ġeneralment aktar baxxa minn dik tal-bjar konvenzjonali, ikun jeħtieġ li jitħaffru aktar minn dawn il-bjar. Uħud minn dawk ir-riskji u l-effetti jista' jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, pereżempju fil-każ ta' tniġġis tal-ilma u l-arja.

3.10

Ir-riskji ambjentali, li jinkludu wkoll riskji tas-saħħa, wasslu għal livelli varji ta' tħassib pubbliku, inkluża oppożizzjoni diretta għal proġetti tal-gass tax-shale. B'mod partikolari, l-asimetrija fl-informazzjoni tal-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti jew il-pubbliku ġenerali titqies bħala problema, b'mod speċjali fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-fluwidi ta' fratturazzjoni u l-kundizzjonijiet ġeoloġiċi fejn għandha sseħħ il-fratturazzjoni idrawlika.

3.11

Ir-Rakkomandazzjoni msemmija tistieden lill-Istati Membri biex, fl-applikazzjoni jew l-adattament tal-leġislazzjoni tagħhom applikabbli għall-idrokarburi li jinvolvu l-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli, jiżguraw li:

titwettaq valutazzjoni ambjentali strateġika qabel ma jingħataw liċenzji għall-esplorazzjoni u/jew il-produzzjoni tal-idrokarburi li mistennija jwasslu għal operazzjonijiet li jinvolvu l-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli;

jitwettqu karatterizzazzjoni u valutazzjoni tar-riskju speċifiċi għall-post, relatati kemm mal-livell ta' taħt l-art kif ukoll mal-wiċċ;

jitwettaq rapportar dwar ix-xenarju bażi (eż. tal-ilma, l-arja, is-sismiċità), sabiex tingħata referenza għal monitoraġġ sussegwenti jew f'każ ta' inċident;

il-pubbliku jiġi infurmat dwar il-kompożizzjoni tal-fluwidu użat għall-fratturazzjoni idrawlika fuq il-bażi ta' bjar individwali, kif ukoll dwar il-kompożizzjoni tal-iskart ta' ilma, id-data tal-kundizzjoni bażi u r-riżultati ta' monitoraġġ;

il-bir jiġi iżolat mill-formazzjonijiet ġeoloġiċi tal-madwar, b'mod partikolari sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-ilma ta' taħt l-art;

l-ivventjar (rilaxx ta' gassijiet fl-atmosfera) jiġi limitat għall-każijiet l-aktar eċċezzjonali ta' sigurtà operattiva, jiġi minimizzat l-ivvampjar ta' gassijiet (il-ħruq ikkontrollat tal-gassijiet) u l-gass jinqabad għall-użu sussegwenti tiegħu (eż. fuq il-post jew permezz ta' pipelines).

3.12

Huwa rakkomandat ukoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji japplikaw l-aqwa tekniki disponibbli (BAT), fejn applikabbli, u prattiki tajba tal-industrija sabiex jiġu evitati, ġestiti u mnaqqsa l-impatti u r-riskji assoċjati mal-esplorazzjoni u l-proġetti ta' produzzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tirrevedi d-dokument ta' referenza eżistenti (BREF) dwar l-iskart estrattiv taħt id-Direttiva dwar l-Iskart ta' Estrazzjoni. Il-Kumitat jemmen li dan ser jiġi ppubblikat dalwaqt.

3.13

Sabiex jiġi faċilitat l-involviment pubbliku, il-Kummissjoni ser twaqqaf Netwerk Ewropew tax-Xjenza u t-Teknoloġija dwar l-Estrazzjoni tal-Idrokarburi Mhux Konvenzjonali, li jiġbor flimkien prattikanti mill-industrija, ir-riċerka, l-akkademja kif ukoll l-atturi tas-soċjetà ċivili. Tħabbret aktar riċerka fil-qasam dwar il-fehim, il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-impatt ambjentali u r-riskji tal-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tal-gass tax-shale fil-programm ta' ħidma għall-2014-2015 tal-Orizzjoni 2020.

3.14

L-Istati Membri tal-UE huma mistiedna japplikaw il-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni fi żmien sitt xhur u, mill-2015, kull sena għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li adottaw. Il-Kummissjoni ser timmonitorja l-implimentazzjoni b'tabella ta' valutazzjoni pubblika li tqabbel is-sitwazzjoni fl-Istati Membri differenti u ser tirrevedi l-effettività ta' din il-politika fi żmien 18-il xahar.

4.   Kummenti tal-Kumitat

4.1

Il-KESE japprezza l-approċċ bilanċjat tal-KE fir-rigward tal-kwistjoni tal-idrokarburi mhux konvenzjonali. Din id-diskussjoni għandha tkun miftuħa u bbażata fuq fatti u sejbiet. Madankollu, għandhom jitqiesu aspetti suġġettivi bħalma hi l-perċezzjoni pubblika tar-riskju. Il-Komunikazzjoni hija komprensiva, informattiva, strutturata tajjeb, u tenfasizza l-aktar kwistjonijiet importanti li għandhom jiġu indirizzat f'termini ta' protezzjoni ambjentali u tas-saħħa u ta' aċċettazzjoni tal-pubbliku inġenerali. Din toffri viżjoni bilanċjata tar-rwol potenzjali tal-idrokarburi mhux konvenzjonali fit-taħlita enerġetika tal-UE.

4.2

Peress li mhux il-pajjiżi kollha tal-UE għandhom dan is-sors ta' enerġija primarju, għandu jiġi segwit il-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-acquis tal-UE jipprovdi mezzi adegwati biex jinstabu soluzzjonijiet għall-effetti transkonfinali tal-fratturazzjoni, f'każ li jkun hemm. Il-KESE jemmen li r-regolamenti attwali tal-UE huma adegwati, u jkopru l-biċċa l-kbira tal-aspetti involuti fil-fratturazzjoni idrawlika; għalissa m'hemmx bżonn li tiġi adottata direttiva speċifika dwar il-gass tax-shale. L-implimentazzjoni rigoruża tal-obbligi legali eżistenti hija mod sikur ta' kif tiġi żviluppata din it-teknoloġija l-ġdida ta' estrazzjoni.

4.3

Hemm skarsezza relattiva ta' sorsi ta' materja prima fi ħdan l-UE; ir-riżorsi kollha disponibbli għandhom jintużaw bl-aktar mod effiċjenti, filwaqt li jitqiesu r-riskji ambjentali u għas-saħħa. Min-naħa l-oħra, l-ebda attività tal-bniedem ma hi għal kollox mingħajr riskji u l-ġestjoni razzjonali tar-riskju għandha tkun parti integrali minn kull attività tal-bniedem, inklużi l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-idrokarburi mhux konvenzjonali.

4.4

Livell għoli ta' trasparenza fi kwalunkwe proġett ta' esplorazzjoni jew esplojtazzjoni huwa ta' importanza enormi sabiex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni pubblika tat-teknoloġija l-ġdida. It-trasparenza għandha tiġi infurzata sa mill-istadji bikrija tal-iżvilupp ta' proġett peress li, sabiex issir valutazzjoni realistika tal-istokkijiet tar-riżorsi u l-benefiċċji ekonomiċi mill-esplojtazzjoni tagħhom, huwa neċessarju li jsir tħaffir esploratorju f'żoni li jindikaw potenzjal ta' preżenza ta' gass tax-shale. Għandha tiġi provduta valutazzjoni tal-impatt fil-fond dwar l-esplorazzjoni. Is-sikurezza u s-sostenibbiltà tal-provvista huma pilastri fundamentali tal-politika ta' enerġija tal-UE. Madankollu, peress li l-iżbilanċli s-sorsi ta' riħ u dawk solari joħolqu fis-sistema għadu ma jistax jiġi kkumpensat mingħajr ma jiġu kompromessi objettivi oħrajn, bħalma huma d-dekarbonizzazzjoni jew effiċjenza miżjuda, l-alternattiva tal-gass mhux konvenzjonali tidher waħda fattibbli biex twitti t-transizzjoni tal-enerġija.

4.5

Għandhom jitqiesu wkoll il-kunsiderazzjonijiet ġeopolitiċi, b'mod speċjali fid-dawl tal-aħħar żviluppi fl-Ukraina, li seħħew wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni u r-Rakkomandazzjoni. Dawn huma relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-eventwalità ta' tensjonijiet dewwiema fil-viċinati qrib tal-UE, jew gwerra kummerċjali mar-Russja. Iżda huma relatati wkoll ma' żviluppi f'partijiet oħra tad-dinja u t-tinqis gradawali tal-UE fost il-blokok kummerċjali l-kbar.

4.6

Il-KESE jirrikonoxxi li t-teknoloġija tal-estrazzjoni tal-idrokarburi mhux konvenzjonali għamlet progress dawn l-aħħar snin. It-tħassib ewlieni dwar l-ambjent u s-sikurezza ġie indirizzat b'suċċess u b'mod kredibbli, u tnaqqsu r-riskji f'żoni ambjentali kruċjali. Madankollu, il-periklu tal-kontaminazzjoni tal-ilma, b'mod partikolari, jeħtieġ li jiġi monitorjat mill-qrib; għandha tingħata attenzjoni speċjali liż-żoni fejn hemm pressjoni għolja fuq l-ilma. Il-KESE huwa tal-parir li d-dokumenti tal-Kummissjoni jiġu riveduti mill-aktar fis sabiex jiddaħħlu s-suġġerimenti li ġejjin.

4.7

Meta jiġu valutati proġetti ta' estrazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti bis-sħiħ il-benefeċċji li jirriżultaw għall-komunitajiet lokali (infrastruttura, impjiegi, taxxi u royalties, eċċ.). Huwa importanti ħafna – u hija wkoll prattika tajba – li d-dħul mir-royalties u d-dazji tas-sisa jinqasam mal-baġits lokali b'mod trasparenti u prevedibbli, preferibbilment bl-użu ta' formula disponibbli għall-iskrutinju pubbliku, sabiex il-komunitajiet jiġu kumpensati għal kwalunkwe konsegwenza negattiva kkawżata mill-estrazzjoni u biex tonqos l-oppożizzjoni tagħhom għal dawn il-proġetti. Il-KESE huwa tal-parir li dan il-punt jiddaħħal fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.

4.8

Il-benefiċċji tal-protezzjoni tal-klima għandhom jiġu stabbiliti bis-sħiħ: l-emissjonijiet mill-proċessi ta' kombustjoni għandhom ikunu bejn wieħed u ieħor daqs nofs dawk li jirriżultaw mill-faħam. Meta titqies din il-kwistjoni, għandha nikkunsidraw l-impatt tat-tnixxija ta' gass minn bir għal berner, li f'ċerti partijiet tad-dinja huwa għoli ħafna iżda kważi qatt ma jiġi żvelat. B'mod mhux uffiċjali, l-esperti jammettu li t-tnixxijiet tal-gass f'meded tal-gass ġestiti ħażin jilħqu t-12-13 % filwaqt li standards operattivi tajbin iżommu dawn it-tnixxijiet taħt it-3 %!

4.9

Ir-riskji ġeoloġiċi u sismiċi għandhom jiġu valutati bir-reqqa f'baċiri speċifiċi iżda l-Komunikazzjoni għandha ssemmi li l-proċess ta' fratturazzjoni jseħħ fi bjar aktar fondi minn estrazzjoni konvenzjonali, ħafna iktar taħt l-akwiferi fil-każ tal-gass tax-shale. Madankollu, għandu jkompli jiġi żviluppat l-għarfien fir-rigward tar-riskji fuq medda medja u twila ta' żmien li jirriżultaw mill-iskala enormi tal-operazzjonijiet involuti f'din it-teknoloġija ġdida.

4.10

Il-Kummissjoni taf tkun trid issemmi li l-konsum tal-ilma għal kull bir huwa pjuttost baxx, u proporzjon tajba ta' dan l-ilma tmur lura fil-wiċċ biex terġa' tintuża jew tiġi proċessata b'mod adegwat. Il-kimiċi użati huma soġġetti għar-Regolament REACH fl-UE u t-tnixxijiet tal-gass għandhom ikunu ġestiti sew, l-istess bħall-ivvampjar tal-iskart ta' gass. Barra minn hekk, il-proporzjon tal-użu tal-art għad-densità tal-enerġija ta' meded oħra tal-gass hija ħafna inqas minn dak ta' stallazzjonijiet fotovoltajiċi/tar-riħ u tal-bijomassa; attwalment, dan il-fenomenu qed jiġi sottovalutat sew mill-proponenti tat-tipi kollha tas-sorsi rinovabbli tal-enerġija, għalkemm ta' spiss ikollu rwol importanti meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-fattibbiltà tas-sorsi primarji tal-enerġija.

Brussell, 4 ta' Ġunju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


26.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwaril-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030”

COM(2014) 15 final

2014/C 424/06

Relatur:

is-Sinjura Sirkeinen

Nhar it-8 ta' Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030

COM(2014) 15 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-22 ta' Mejju 2014.

Matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta' Ġunju 2014 (seduta tal-4 ta' Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'198 vot favur, 23 vot kontra u 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jikkonkludi li:

l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni qed timmira li tagħmel il-politika tal-klima u dik tal-enerġija iktar previdibbli,

il-Komunikazzjoni tqis il-bidliet enormi u l-esperjenzi li seħħew minn meta ġew adottati l-politiki tal-UE għall-2020, u

b'żieda ma' dan, l-osservazzjonijiet reċenti mill-IPCC jagħmlu t-tħejjija tal-politiki tal-UE dwar il-klima u l-enerġija lil hinn mill-2020 iktar f'waqthom.

1.2

Il-KESE jappoġġja

l-proposta li tiġi stabbilita mira li sal-2030 l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra jitnaqqsu għal 40 % peress li dan huwa konformi mal-mira tat-tnaqqis ta' 80-95 % sal-2050 għalkemm tibqa' ambizzjuża,

il-proposta għal mira komuni ta' mill-inqas 27 % għall-parti tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, iżda, b'kuntrast għall-proposta tal-Kummissjoni, iqis li hemm bżonn li jiġu stabbiliti miri nazzjonali speċifiċi ,

l-għan tal-Kummissjoni li tippreżenta proposti ġodda dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija wara l-analiżi tal-miżuri attwali iktar tard din is-sena, u

l-proposta għal metodu ġdid ta' governanza iterattiva.

1.3

Il-KESE jirrakkomanda

li jintużaw l-iktar miżuri kosteffettivi għall-implimentazzjoni sabiex jitnaqqsu l-konsegwenzi dannużi u jiġu protetti l-iktar utenti tal-enerġija vulnerabbli,

li jitqiesu l-miri settorjali għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, pereżempju fis-settur tal-bini, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal enormi ta' din it-triq hekk promettenti lejn l-għanijiet tal-politika tal-enerġija b'mod kosteffettiv,

li jiġu żviluppati metodi għat-tfassil u anke l-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali proposti billi s-soċjetà ċivili tiġi involuta ġenwinament u li l-konsultazzjoni tal-pajjiżi ġirien issir obbligatorja qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet nazzjonali b'konsegwenzi estensivi,

li jittieħed pass deċiżiv lejn Komunità Ewropea tal-Enerġija ġenwina billi jiġu koordinati l-pjani nazzjonali, b'mod partikolari bil-għan li tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija tal-UE,

li tittieħed azzjoni deċiżiva biex titnaqqas id-dipendenza ferm għolja tal-UE fuq sorsi tal-enerġija minn sorsi mhux affidabbli, anke billi jiġu stabbiliti miri nazzjonali vinkolanti għall-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli,

li jissaħħaħ l-appoġġ għall-pajjiżi assoċjati fil-politika Ewropea tal-Viċinat għall-iżvilupp ta' ekonomija b'livell baxx ta' karbonju,

li tiġi provduta iktar informazzjoni dwar pjani għat-tisħiħ tal-azzjoni fis-settur mhux ETS, b'mod partikolari fis-settur tat-trasport kif ukoll fl-agrikoltura u l-użu tal-art,

li tingħata iktar informazzjoni dwar ir-riżultati fil-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi,

li jiġu żgurati miżuri biżżejjed biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju fl-industriji b'użu intensiv tal-enerġija,

li tittieħed azzjoni radikali fl-innovazzjoni u r-riċerka bħala l-provvedituri ta' soluzzjonijiet ġenwini għall-isfidi, flimkien ma' miżuri għall-promozzjoni tal-manifattura ta' tagħmir għall-ekonomija b'livell baxx ta' karbonju filwaqt li jiġi żgurat li l-industrija tagħti riżultati permezz ta' taħriġ aħjar, u

li l-iżvilupp internazzjonali tal-politiki tal-klima jingħata l-ogħla prijorità u b'mod parallel tingħata iktar attenzjoni lill-adattar għat-tibdil fil-klima. Dan ifisser ukoll li jiġu rrappreżentati l-interessi leġittimi tas-setturi industrijali Ewropej, li jinsabu taħt pressjoni ta' kompetizzjoni internazzjonali minħabba politiki Ewropej dwar l-enerġija u l-klima aktar stretti, fil-qafas tan-negozjati tad-WTO kif ukoll tas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment.

2.   Introduzzjoni

2.1

Minn meta l-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2008 ddeċieda dwar il-miri tal-politika tal-klima u tal-enerġija ta' 20-20-20 sal-2020 inbidlu ħafna affarijiet. L-ewwel nett, l-agħar kriżi ekonomika mill-gwerra, li minnha l-Ewropa għadha biss kif bdiet tirkupra u għadha dgħajfa. It-tieni nett, atturi oħra ewlenin ma segwewx l-UE fit-twaqqif ta' miżuri biex jitnaqqas it-tibdil fil-klima. It-tielet nett, ir-rivoluzzjoni tal-gass tax-shale fl-Istati Uniti bidlet b'mod drammatiku x-xena tal-enerġija, tal-inqas fis-setturi affettwati mis-settur tal-gass u b'hekk inbidel il-bilanċ tal-kompetizzjoni. Ir-raba' nett, il-prezzijiet tal-enerġija bl-imnut żdiedu b'mod rapidu tul l-aħħar snin f'partijiet kbar tal-UE, ħaġa li qegħdet il-kompetittività u l-konsumaturi vulnerabbli fir-riskju. Il-ħames nett, l-aħħar żviluppi fl-Ukraina enfasizzaw ukoll b'mod drammatiku kemm huwa importanti li l-UE tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq is-sorsi ta' enerġija fossili mir-Russja. Is-sitt nett, saru wkoll żviluppi ġenwinament rivoluzzjonarji fit-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli, ħaġa li qed tagħmel il-produzzjoni tal-enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju dejjem iktar kosteffettiva. F'dan il-kuntest, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tespandi iktar l-analiżi tagħha li “l-kostijiet tat-tranżizzjoni għall-użu baxx tal-karbonju mhumiex sostanzjalment differenti mill-kostijiet li kieku jiġġarbu f'kull każ minħabba l-ħtieġa li tiġġedded is-sistema tal-enerġija li qed teqdiem, il-prezzijiet dejjem telgħin tal-fjuwils fossili u l-aderenza għall-politiki eżistenti dwar il-klima u l-enerġija”. Barra minn hekk “... il-kostijiet tas-sistema tal-enerġija huma mistennija li jogħlew matul il-perjodu sal-2030 għal livell ta' madwar 14 % tal-PDG meta mqabbla ma' 12,8 % fl-2010. Madankollu, se jkun hemm caqliqa kbira lil hinn min-nefqa fuq il-fjuwil lejn tagħmir innovattiv li għandu valur miżjud ogħla li se jistimula l-investimenti fi prodotti u servizzi innovattivi, joħloq l-impjiegi u t-tkabbir u jtejjeb il-bilanċ kummerċjali tal-Unjoni”. Is-seba' nett, f'xi Stati Membri kien hemm għadd ta' inizjattivi interessanti għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzata, bl-involviment dirett tas-soċjetà ċivili. Dan juri b'mod ċar li l-involviment attiv u dirett taċ-ċittadini, il-kunsilli lokali u l-awtoritajiet reġjonali jillibera potenzjal reġjonali b'valur miżjud, u b'hekk itejjeb sew l-aċċettazzjoni soċjali ta' politika ġdida tal-klima u l-enerġija. U t-tmien nett, qed isir dejjem iktar ċar li t-tmexxija fil-qasam tat-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli toffri potenzjal ekonomiku kbir għall-futur, u li l-iżvilupp reġjonali jrid jimxi id f'id mal-politika tal-enerġija.

2.2

Fir-rigward tal-miri stabbiliti għall-2020 inkiseb progress sostanzjali. Fl-2012, l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra naqsu bi 18 % mill-1990 'l hawn u abbażi tal-miżuri miftiehma s'issa, huma mistennija jonqsu iktar b'24 % fl-2020 u sa 32 % sal-2030. Il-parti tal-enerġija rinnovabbli tal-użu finali tal-enerġija kienet 13 % fl-2012. Il-Kummissjoni Ewropea qed tistenna li din tiżdied iktar sa 21 % u 24 % fl-2020 u l-2030 rispettivament. L-intensità fl-użu tal-enerġija fl-ekonomija tal-UE naqset b'24 % mill-1995 sal-2011, anke jekk jidher li l-mira indikattiva ta' 20 % tat-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mhux ser tinkiseb. Dawn il-figuri jistgħu jiġu spjegati parzjalment mit-tnaqqis prolongat fl-attività ekonomika, ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u effiċjenza ikbar fl-użu tal-enerġija.

2.3

Madankollu, l-isfidi quddiemna huma dejjem iktar serji u jeħtieġu azzjoni urġenti. Il-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dan l-aħħar ippubblika partijiet mill-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu, li juri li l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra laħqu livelli li qatt ma rajna bħalhom minkejja l-politiki ta' mitigazzjoni stabbiliti. Fil-fehma tal-IPCC, huma biss it-tibdil kbir istituzzjonjali u teknoloġiku u investimenti sostanzjali li jistgħu jagħtu riżultat ta' possibbiltà aħjar mill-medja li t-tisħin globali mhux ser jisboq il-limitu ta' 2 gradi Celsius.

2.4

Fl-2008, il-Kunsill Ewropew iddeċieda dwar mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ta' 80-95 % sal-2050, b'konformità mal-impenn internazzjonali li t-tisħin globali jitwaqqaf sa 2 gradi Celsius. Il-Kummissjoni ppreżentat pjani ta' direzzjoni korrispondenti għall-2050 għall-klima u l-enerġija.

2.5

Il-KESE appoġġja b'mod attiv u segwa mill-qrib id-deċiżjonijiet ibbażati fuq il-politika tal-UE dwar il-klima u l-enerġija u l-implimentazzjoni tagħhom. Inħarġu bosta Opinjonijiet dwar suġġetti relatati jew fuq talba ta' konsultazzjoni jew fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat, inklużi Opinjonijiet dwar in-negozjati internazzjonali dwar il-klima (1), Komunità Ewropea tal-Enerġija (2), l-ispejjeż tal-enerġija (3), il-faqar tal-enerġija (4), u l-iktar riċenti, strumenti bbażati fis-suq għal ekonomija b'livelli baxxi ta' karbonju (5).

2.6

Din l-Opinjoni tibni fuq opinjonijiet preċedenti u tikkumplimentahom. L-istess bħal Opinjonijiet oħra tal-KESE, hija kompromess bejn fehmiet diverġenti u tkopri biss il-Komunikazzjoni dwar “Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030” (6). Fir-rigward tal-partijiet l-oħra tal-pakkett – ir-riforma tal-ETS (7), il-Komunikazzjoni dwar il-prezzijiet tal-enerġija (8), ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-gass tax-shale (9) u l-Komunikazzjoni tar-rinaxximent industrijali (10) – il-KESE ser joħroġ Opinjonijiet separati.

3.   Il-proposta qafas tal-Kummissjoni

3.1

Abbażi tal-pjani direzzjonali tal-klima u l-enerġija sal-2050, Green Paper għall-konsultazzjoni pubblika u valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta' proposti fil-komunikazzjoni qafas għall-politika dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 imsemmija fil-punt 2.8.

3.2

Il-Kummissjoni tipproponi mira ta' 40 % għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mill-1990 'l hawn. Is-settur tal-ETS ikollu jwettaq tnaqqis ta' 43 % meta mqabbel mal-2005, u s-settur fejn ma tapplikax l-ETS 30 %. Il-fattur annwali għat-tnaqqis tal-livell limitu tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) ser jiżdied mil-livell attwali ta' 1,74 % għal 2,2 % wara l-2020. Il-mira li ma taqax taħt l-ETS ser tiġi allokata lill-Istati Membri fil-biċċa l-kbira bl-istess metodu li qed jiġi applikat issa.

3.3

Il-Kummissjoni qed tipproponi mira ta' mill-inqas 27 % tal-parti tal-enerġija rinnovabbli tal-konsum finali tal-enerġija fl-UE. Din il-mira hija vinkolanti fil-livell tal-UE imma m'għandhiex tiġi distribwita lill-Istati Membri individwali; u għalhekk mhuwiex ċar min jista' jinżamm responsabbli jekk il-mira ma tintlaħaqx. Il-parti tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-elettriku għandha tiżdied minn 21 % illum għal 45 % fl-2030.

3.4

Ma tressqet l-ebda proposta dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Sa nofs l-2014 ser tiġi ppreżentata analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, u proposti oħra kkunsidrati fuq din il-bażi.

3.5

Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet  (11) tiġi riformata billi tiġi stabbilita riżerva għall-istabbiltà tas-suq, u ppreżentat abbozz ta' regolament dwar dan il-punt.

3.6

Il-Kummissjoni ssemmi wkoll il-kompetizzjoni fis-swieq integrati u l-promozzjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni separata dwar il-prezzijiet tal-enerġija  (12).

3.7

Qed jiġi propost metodu ġdid ta' governanza, abbażi ta' pjani nazzjonali.

3.8

Ġie propost sett ta' indikaturi iktar estensiv biex jiġi analizzat aħjar il-progress.

3.9

Jissemmew ukoll il-politiki kumplimentari ewlenin – l-agrikoltura u l-użu tal-art, il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS), l-innovazzjoni u l-finanzi.

3.10

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tippreżenta ħarsa ġenerali tal-kuntest internazzjonali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra.

4.   Il-kummenti tal-KESE dwar il-qafas 2030

4.1

Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni għax timmira li tiżgura li l-għanijiet tal-politika tal-klima u dik tal-enerġija jibqgħu previdibbli. Qafas regolatorju stabbli u previdibbli, u b'mod partikolari, l-implimentazzjoni koerenti tiegħu, huma prerekwiżiti għad-deċiżjonijiet u l-investimenti kbar fit-tul li huma meħtieġa biex l-iżviluppi jaqbdu d-direzzjoni mixtieqa.

4.2

Element importanti tal-previdibbiltà huwa l-messaġġ li l-elementi kruċjali tal-politika qafas sal-2020 tal-klima u l-enerġija ser jibqgħu l-istess.

4.3

Madankollu, il-Komunikazzjoni tqis ukoll il-bidliet enormi li saru minn meta ġiet adottata l-politika tal-2020. Minkejja l-bżonn tal-previdibbiltà, l-isfidi tal-kuntest internazzjonali li qed jinbidlu, il-ħtieġa għall-irkupru ekonomiku, kompetittività aħjar u spejjeż tal-enerġija li qed jiżdiedu jirrikjedu li l-politiki preżenti jiġu adattati.

4.4

It-tisħin globali huwa theddida kbira fit-tul għall-pjaneta tagħna u l-benesseri ta' ġenerazzjonijiet futuri, iżda anke l-prosperità b'mod ġenerali. Anke llum dan diġà qed jiswilna ħafna flus. L-isforzi fl-UE għandhom ikunu orjentati lejn il-mira ta' tnaqqis ta' 80-95 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-2050. Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li l-mira għall-2030 tiġi stabbilita għal 40 %, anke jekk tista' titqies bħala waħda ambizzjuża. Skont il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-Komunikazzjoni, il-mira ta' 35 % tkun biżżejjed biex it-tnaqqis jinżamm fit-triq lejn il-mira tal-2050.

4.5

Meta l-għan “2020” għat-tnaqqis tal-emissjonijiet b'20 % fl-2020 – meta mqabbel mal-1990 – ġie deċiż fl-2008, l-emissjonijiet kienu diġà naqsu b'10 % meta mqabbla mas-sena bażi tal-1990. Issa jidher li t-tnaqqis ta' 24 % se jintlaħaq sal-2020, li jfisser tnaqqis ta' 14 % fi żmien 11-il sena. Tnaqqis addizzjonali ta' 16 % ikollu jintlaħaq fi żmien għaxar snin, ħaġa li m'għandhiex tkun daqstant diffiċli fid-dawl tal-avvanzi teknoloġiċi, it-tnaqqis fil-kostijiet tal-enerġiji rinnovabbli u żieda fl-ispejjeż tal-enerġija mill-fossiliMadankollu, l-isforzi mill-1990 'l hawn naqsu b'mod konsiderevoli minħabba r-reċessjoni, ir-ristrutturar enormi li sar fl-ekonomiji li kienu komunisti u l-użu tal-mekkaniżmi ta' Kjoto.

4.6

Madankollu, sabiex din il-mira tintlaħaq mingħajr impatti negattivi fuq aspetti oħra tas-sostenibbiltà ekonomika u soċjali huwa tal-ikbar importanza li jiġu żgurati l-iktar miżuri kosteffettivi għall-implimentazzjoni. Għaldaqstant, il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ma għadhiex tistabbilixxi miri għas-settur tal-bijokarburanti, li huwa wieħed mill-aktar possibbiltajiet għaljin għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra. Il-KESE diġà kien irrakkomanda dan fl-2008 (13). F'dan ir-rigward, l-użu ta' mekkaniżmi ta' flessibbiltà li l-Kummissjoni issa qed tipproponi li jiġu esklużi wara l-2020 għandhom jiġu valutati b'mod komprensiv u diskussi b'mod mifrux; din il-valutazzjoni għandha tqis il-problemi osservati kif ukoll il-benefiċċji tal-kosteffiċjenza globali u l-iżvilupp ta' kooperazzjoni internazzjonali dwar il-klima.

4.7

Il-politiki ser jaffettwaw diversi setturi tal-ekonomija b'modi differenti. Għalhekk, il-miżuri għandhom jitfasslu u jkunu mmirati bir-reqqa sabiex jitnaqqsu l-konsegwenzi dannużi u jiġu mħarsa l-iktar utenti vulnerabbli tal-enerġija. It-transizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju trid tkun ġusta. Fost il-kwistjonijiet ċentrali hemm it-taħriġ, l-impjiegi ta' kwalità tajba u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u possibbilment anke miżuri ta' kumpens.

4.8

Il-KESE jappoġġja wkoll il-proposta tal-Kummissjoni għal mira komuni ta' mill-inqas 27 % għall-parti tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Filwaqt li l-għan ta' 40 % għal-livell ta' gassijiet b'effett ta' serra jista' jitqies bħala sinjal importanti fil-politika tal-klima, anke fid-dawl tan-negozjati futuri fil-qafas tal-COP20/COP21; min-naħa l-oħra, l-iżvilupp ta' riżorsi ta' enerġija rinnovabbli bil-għan li titnaqqas id-dipendenza eċċessiva attwali fuq l-importazzjoni huwa iktar għan ta' politika tal-enerġija. Il-Kumitat jikkritika l-fatt li m'hemmx miri vinkolanti individwali għal kull Stat Membru. Bl-ebda mod m'huwa ċar kif il-Kummissjoni beħsiebha tinfurza u timmonitorja l-konformità ma' din il-mira komuni, u saħansitra, jekk hemm bżonn, tissanzjona każijiet li ma jikkonformawx magħha.

4.9

It-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huwa l-iktar mod promettenti biex naħdmu b'mod kosteffettiv lejn il-miri kollha tal-politika tal-enerġija – dawk dwar l-ambjent, l-ekonomija u s-sigurtà tal-provvista. Il-potenzjal huwa enormi iżda jeħtieġ li tittieħed azzjoni radikali. Il-KESE qed jistenna lill-Kummissjoni tippreżenta miżuri ta' politika effettivi bbażati fuq il-valutazzjoni tal-impatt tiegħu iktar tard din-is-sena, b'kunsiderazzjoni tal-firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati f'dan il-qasam. Għandhom jitiqesu l-esperjenzi tal-qafas leġislattiv attwali, li ġie approvat biss dan l-aħħar. Fir-rigward tal-miri, jistgħu jiġu kkunsidrati dawk settorjali, b'mod partikolari biex jiġi sfruttat il-potenzjal kbir tas-settur tal-bini u dak tat-trasport.

4.10

Il-KESE jilqa' l-metodu l-ġdid ta' governanza propost mill-Kummissjoni, bil-proċess iterattiv tiegħu biex jiġu stabbiliti l-pjani nazzjonali. It-tfassil ta' dawn il-pjani jista' joffri opportunità tajba biex jiġu involuti mhux biss il-partijiet interessati imma anke s-soċjetà ċivili usa' fil-kwistjonijiet tal-politika tal-enerġija, inkluż l-impenn għall-implimentazzjoni. L-iktar element importanti fil-proposta huwa l-ħtieġa li jiġu kkonsultati l-pajjiżi ġirien, ħaġa li għandha ssir obbligatorja qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet nazzjonali b'konsegwenzi potenzjalment mifruxa għal partijiet oħra u li jista' jservi bħala pass deċiżiv lejn Komunità Ewropea ġenwina tal-Enerġija. It-taħlit ta' diversi riżorsi u approċċi nazzjonali u b'hekk taħlitiet ta' enerġija differenti jista' joffri sistemi u swieq reġjonali kosteffettivi, ħaġa li tikkontribwixxi għall-ibbilanċjar, l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni u s-sigurtà tal-provvista. Għalhekk, il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jirreaġixxu b'mod pożittiv għal proċedura effettiva ta' governanza u biex, flimkien mal-Kummissjoni u s-soċjetà ċivili, jiddeterminaw kif tista' tiġi implimentata. Dan il-metodu ġdid ta' governanza għandu jkun trasparenti u jinkludi l-involviment tas-soċjetà ċivili filwaqt li jimminimizza wkoll il-piż amministrattiv addizzjonali fuq l-Istati Membri.

4.11

Is-sostenibbiltà u d-diversifikazzjoni huma għanijiet ċentrali meta l-Istati Membri jeżerċitaw id-dritt tagħhom biex jiddeċiedu dwar it-taħlita proprja tal-enerġija. Iż-żieda fl-użu ta' sorsi rinnovabbli ser tibqa' neċessarja għaż-żewġ raġunijiet, u għandha tkun kumplimentata minn sorsi oħra b'emissjonijiet baxxi. Il-politiki tal-UE m'għandhomx ixekklu lill-Istati Membri li jixtiequ milli jużaw l-enerġija nukleari jew li jisfruttaw riżorsi tal-enerġija indiġeni, inklużi l-gassijiet mhux konvenzjonali.

4.12

Hemm bżonn iktar għajnuna għall-pajjiżi assoċjati koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-iżvilupp ta' ekonomija b'livelli baxxi ta' karbonju, flimkien ma' aċċess iktar faċli għat-teknoloġiji u l-appoġġ rekwiżiti għaċ-ċentri ta' riċerka minn dawn il-pajjiżi li jispeċjalizzaw fil-qasam.

4.13

Il-problema tad-dipendenza qawwija ħafna tal-UE fuq l-enerġija fossila minn sorsi mhux affidabbli ġiet enfasizzata f'dawn l-aħħar ġimgħat u teħtieġ attenzjoni urġenti. Jeħtieġ li tittieħed azzjoni deċiżiva biex tiġi diversifikata l-provvista tal-enerġija, kif ġie deskritt fil-punt 4.10, b'enfasi fuq ir-riżorsi li ser ikomplu jkunu disponibbli fit-tul u jipproduċu l-inqas livell possibbli ta' emissjonijiet. Hemm bżonn ukoll suq intern tal-enerġija u politika tal-enerġija esterna komuni bil-għan li jiġu diversifikati s-sorsi tal-provvista.

4.14

Il-KESE jilqa' l-proposta biex jintuża sett ta' indikaturi iktar mifrux għal valutazzjoni iktar preċiża tal-progress. Il-kapaċità inadegwata tat-trasmissjoni transkonfinali għadha l-iktar ostaklu importanti għal suq intern ġenwin tal-enerġija. Il-mod adatt biex il-progress jiġi segwit hawnhekk hu li jiġi monitorjat l-iżvilupp tad-differenzi fil-prezzijiet bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi.

4.15

Il-Kummissjoni għandha rwol importanti fir-rigward ta' dan l-iżvilupp li tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni billi b'mod gradwali tneħħi s-sussidji li jagħmlu l-ħsara u tiskrutinizza l-iskemi tal-għajnuna pubblika (14). Dan għandu japplika wkoll għall-miżuri ta' appoġġ provduti fis-sistema tal-ETS biex jiġu kkumpensati l-industriji mhedda mir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-ispejjeż tal-klima, pereżempju prezzijiet ogħla tal-elettriku. Dan il-kumpens għandu jkun sistema pan-Ewropea sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Il-KESE qed jippreżenta wkoll Opinjoni separata dwar il-proposta għar-riforma tal-ETS (15). Fil-livell internazzjonali l-Kummissjoni għandha taħdem ukoll biex ikun hemm kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni. Dan ifisser li din il-kwistjoni trid tiġi ttrattata kemm fin-negozjati mad-WTO kif ukoll fil-ftehim dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment.

4.16

Parti importanti tal-pjani ta' enerġija nazzjonali hija l-politiki għas-settur fejn ma tapplikax l-ETS. Is-setturi tat-trasport u t-tisħin huma partikolarment importanti. Il-Kumitat diġà tenna kemm-il darba l-fehmiet tiegħu dwar il-politika tal-bijokarburanti u jirreferi għall-Opinjonijiet preċedenti tiegħu (16).

4.17

Rigward l-agrikoltura u l-użu tal-art, dawn ser jaqdu r-rwol tagħhom fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, iżda l-politiki jeħtieġu iktar analiżi u riflessjoni. Il-bijomassa sostenibbli mill-agrikoltura u l-forestrija għandhom rwol x'jaqdu fid-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija. Jekk is-settur tal-użu tal-bidla fl-użu tal-art jiġi inkluż fil-miri li ma jaqgħux taħt l-ETS, iż-żieda netta tal-bir tal-karbonju tal-foresti jkollha titnaqqas kompletament.

4.18

Ħaġa oħra nieqsa mill-Komunikazzjoni hija l-informazzjoni dwar il-kisbiet fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda ekoloġiċi, li kien għan importanti tad-deċiżjonijiet 20-20-20. L-istudji s'issa jindikaw influwenza newtrali jew żgħira biss fuq l-impjieg, filwaqt li l-istrutturi tal-impjiegi ser jinbidlu radikalment.

4.19

Jista' jkun li saret ekoloġizzazzjoni enormi tal-impjiegi eżistenti, bi provi, pereżempju mill-effiċjenza mtejba sew fl-użu tal-enerġija fl-industriji tal-manifattura. S'issa l-industriji li jużaw ħafna enerġija setgħu jirreaġixxu għat-tibdil fil-klima billi jtejbu l-effiċjenza tagħhom, iżda billi ġie sfruttat ħafna mill-potenzjal, it-theddida tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandha tittieħed iktar bis-serjetà fil-ġejjieni.

4.20

Bosta setturi tal-industriji li jużaw ħafna enerġija fl-Ewropa qed jikkompetu fi swieq globali miftuħa mingħajr l-ebda possibbiltà li jżidu spejjeż addizzjonali b'mod unilaterali mal-prezzijiet tagħhom, u għalhekk hemm ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Ħafna drabi dawn l-industriji huma wkoll globalment l-iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-karbonju. F'dawn iċ-ċirkostanzi ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju tista' twassal ukoll għal żieda fl-emissjonijiet globali. Għalhekk, il-politiki tal-UE m'għandhomx iwasslu għal żieda fl-ispejjeż tal-enerġija, la diretti u lanqas indiretti, għal dawn l-industriji, jew għandhom jinkludu dispożizzjonijiet ċari għall-kumpens ta' dawn l-ispejjeż ogħla. Id-dispożizzjonijiet għall-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandhom jipprevedu allokazzjoni libera u sħiħa ta' permessi għall-emissjonijiet, ibbażata fuq punti ta' riferiment li huma teknikament fattibbli, sakemm ikollna prova ta' teknoloġiji ġodda li jirriżultaw fi tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet fuq bażi ekonomika soda.

4.21

Fl-aħħar mill-aħħar is-soluzzjoni ġenwina għall-isfidi tal-politika tal-klima u dik tal-enerġija hija l-innovazzjoni. L-UE u l-Istati Membri kif ukoll atturi finanzjarji oħra jridu jaġixxu issa sabiex jisfruttaw dan il-potenzjal billi jappoġġjaw kemm l-applikazzjoni ta' teknoloġiji ġodda kif ukoll tentattivi għal innovazzjonijiet pijunieri iktar riskjużi. Mingħajr qabżiet ġenwini fit-teknoloġija f'ħafna setturi l-għanijiet fit-tul ma jistgħux jinkisbu. Sabiex jitwettqu dawn l-innovazzjonijiet għandna bżonn settur industrijali kompetittiv, li jekk jadatta għal din l-isfida jkun jista' jibqa' wkoll kompetittiv u jissupera fruntieri ġodda. Il-fattur abilitanti ewlieni għal dan huwa taħriġ ta' kwalità għolja. L-industrija li tispeċjalizza fil-produzzjoni tat-tagħmir għall-ekonomija b'livelli baxxi ta' karbonju tista' tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u tiffaċilita l-aċċess għall-prodotti tagħha. Dan jeħtieġ l-isforzi integrati tar-riċerka u l-promozzjoni.

4.22

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima u tkompli l-provvista ta' enerġija sigura, affidabbli u affordabbli għal kulħadd fl-Ewropa jeħtieġ li kulħadd jibdel l-attitudnijiet u l-imġiba. Tkun liema tkun il-linja ta' politika li jagħżlu l-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE, l-implimentazzjoni tagħha mingħajr xkiel tiddependi mill-involviment tal-partijiet kollha interessati minn stadju bikri. Kif semmejna fil-punt 4.9, is-soċjetà ċivili għandha rwol x'taqdi, u dan jista' jiġi appoġġjat mill-KESE.

4.23

L-iktar kwistjoni importanti fl-isfera tal-politika tal-klima, madankollu, hija l-iżvilupp internazzjonali. Il-qafas ta' politika ppreżentat fil-Komunikazzjoni jnaqqas sew il-parti tal-UE tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra mil-livell attwali ta' 11 %. L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA) ikkonkludiet li anke l-politiki attwali jistgħu jnaqqsu l-parti tal-UE għal 7 % sal-2035. L-Ewropa għandha responsabbiltà storika partikolari biex taġixxi fit-tibdil fil-klima, iżda waħedha ma tantx tagħmel differenza biex tillimita t-tibdil għal żewġ gradi. Ftehim internazzjonali ambizzjuż u l-implimentazzjoni effettiva tiegħu huma għanijiet kruċjali għall-politiki tal-UE. Jekk dan ma jinkisibx, l-UE għandha terġa' tikkunsidra l-politiki proprji tagħha. B'mod parallel, għandha tingħata ħafna iktar attenzjoni, b'iktar attivitajiet, lill-adattar għat-tibdil fil-klima – dan ma jistax jibqa' jiġi injorat.

Brussell, 4 ta' Ġunju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 145-149.

(2)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 15-20.

(3)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 1-8.

(4)  ĠU C 341, 21.11.2013, p. 21-27.

(5)  ĠU C 226, 16.7. 2014, p.1.

(6)  COM(2014) 15 final.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar “Skema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet” (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). EESC-2014-00800-00-00-AC-TRA.

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija” EESC-2014-01113-00-00-AC. (Ara paġna 64 tal-Ġurnal Uffiċjali attwali).

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-esplorazzjoni ta’ idrokarburi bl-użu tal-fratturazzjoni” EESC-2014-01320-00-00-AC-EDI. (Ara paġna 34 tal-Ġurnal Uffiċjali attwali).

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar “Rinaxximent industrijali Ewropew” (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). EESC-2014-00746-00-00-AC.

(11)  COM(2014) 20 final.

(12)  COM(2014) 21 final.

(13)  ĠU C 198, 10.7. 2013, p. 56.

(14)  ĠU C 226, 16.7. 2014, p. 28.

(15)  ĠU C 177, 11.6.2014, p. 88.

(16)  ĠU C 198, 10.7. 2013, p. 56.


26.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/46


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment u t-tħaddim ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emmissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE”

COM(2014) 20 final — 2014/0011 (COD)

2014/C 424/07

Relatur:

is-Sur Pezzini

Nhar is-6 ta' Frar, it-13 ta’ Frar u t-22 ta' Jannar 2014, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea, rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 192 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment u t-tħaddim ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emmissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE

COM(2014) 20 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-22 ta' Mejju 2014.

Matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta' Ġunju 2014 (seduta tal-4 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’167 vot favur, 2 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jaħseb li l-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (UE ETS) hija strument essenzjali tal-politika tal-klima u tal-enerġija tal-UE, biex jonqsu l-emissjonijiet industrijali tal-UE, u għalhekk jappella għal riforma ġenwina tagħha li jkollha l-għan li tilħaq kemm l-objettivi tal-klima tal-UE għall-2020 u l-2030 kif ukoll is-salvagwardja tal-kompetittività industrijali tagħna u li jiġi evitat li jintilef l-investiment.

1.2

Il-KESE huwa favur il-proposta biex fl-2021 fil-bidu tal-perjodu li jmiss tal-iskema ETS tiġi stabbilita riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-ETS, biex permezz ta' din il-miżuri tiġi indirizzata l-problema tal-volatilità tal-prezzijiet tal-ETS wara l-2020.

1.3

Il-KESE jinnota li l-Kunsill Ewropew tal-21 ta' Marzu 2014 talab għal miżuri partikolari għall-kumpens sħiħ tal-ispejjeż diretti u indirietti li jinħolqu mill-politiki tal-klima tal-UE, għas-setturi esposti għal kompetizzjoni globali, sakemm ma jintlaħaqx ftehim internazzjonali dinji dwar il-klima li joħloq kundizzjonijiet indaqs, fil-livell dinji, għall-industrija Ewropea.

1.4

Il-KESE jitlob biex ikun hemm:

mekkaniżmi ta' regolamentazzjoni awtomatika definiti minn qabel bil-kapaċità li jirreżistu għal xokkijiet kbar mingħajr marġini għal diskrezzjoni jew interferenza;

trasparenza, prevedibbiltà u sempliċità sistematika;

spejjeż ta' tranżizzjoni limitati;

prospetti ta' investiment prevedibbli;

ċertezza ta' objettivi stabbli fit-tul;

l-użu tal-profitti mill-irkanti biex jiġu appoġġjati negozji matul it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livelli baxxi ta' karbonju u l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji nodfa;

miżuri ta' appoġġ adatti u innovattivi għal setturi tal-manifattura li jużaw l-enerġija b'mod intensiv;

ċarezza strateġika ikbar fil-livell Ewropew u dinji.

1.5

Fil-fehma tal-Kumitat, l-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet taġixxi ma' politiki oħra Ewropej u nazzjonali fil-qasam tal-ambjent, il-klima, l-enerġija u l-iżvilupp industrijali u b'hekk għandhom jiġu koordinati iżjed mill-qrib sabiex joħolqu impatt pożittiv: għalhekk il-KESE jappella biex ir-reviżjoni tas-sistema titqies f'assoċjazzjonijiet iktar mill-qrib mar-regoli l-oħra li jaffettwaw l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u l-ispejjeż tal-enerġija għal finijiet industrijali.

1.6

Il-KESE jenfasizza li l-ETS trid tissaħħaħ mhux biss bħala strument biex jiġu ottimizzati l-ispejjeż u tiġi promossa l-effiċjenza enerġetika fis-setturi kollha, iżda wkoll bħala għodda biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika sabiex jiġu:

preferuti prodotti u servizzi b'użu baxx tal-karbonju;

appoġġjati l-investimenti fl-infrastruttura;

promossi t-taħriġ u l-bini tal-kapaċità f'setturi li huma punti essenzjali għall-irkupru tal-valur ekonomiku tas-settur tal-manifattura fl-Ewropa.

1.7

Il-Kumitat jirrimarka li l-industrija hija impenjata b'mod kostanti fi proċess kontinwu ta' innovazzjoni sabiex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika, għalkemm jidher ċar li d-distorsjonijiet tas-suq tal-ETS, bi tnaqqis eċċessiv fil-prezz tal-karbonju, jistgħu jfissru li jkun iżjed diffiċli biex tiġi xprunata l-innovazzjoni xjentifika u teknoloġika sostenibbli.

1.8

Il-KESE jaħseb li r-rwol tal-ETS tal-UE mill-2020-2030 m'għandux ikun biss li jiġi faċilitat tnaqqis ekonomikament vijabbli fil-karbonju għall-istallazzjonijiet u s-settur rilevanti, billi jsir investiment f'teknoloġiji b'użu baxx tal-karbonju, billi jintużaw sorsi tal-enerġija rinnovabbli u billi ssir azzjoni fuq l-effiċjenza enerġetika, iżda wkoll biex jiġi promoss l-aċċess għal kumpens internazzjonali. Dan għandu jservi biex jiġu limitati l-emissjonijiet fis-suq dinji tal-karbonju, mhux l-inqas aħna u nersqu lejn il-Ftehim Globali dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2015, u f'konformità mal-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli, stabbiliti fl-Aġenda għal wara l-2015, relatati ma' approċċi integrati għall-iżvilupp, l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem u biex titwettaq għal kollox is-sostenibilità ambjentali.

1.9

Il-Kumitat jaħseb li r-reviżjoni tal-ETS mill-2021, li tagħmel parti mill-qafas ġdid tal-2030 għall-klima u l-enerġija, għandha tkun marbuta mill-qrib mal-użu tal-programm Orizzont 2020 u l-koordinazzjoni ta' programmi nazzjonali, sabiex titħaffef it-tnedija mill-ġdid ta' innovazzjoni teknoloġika sostenibbli. L-għan għandu jkun li tiġi salvagwardjata l-kompetittività industrijali fl-Ewropa billi jiġu promossi żoni industrijali ġodda u li huma aħjar.

1.10

Il-KESE jinsab konvint dwar il-ħtieġa li s-suq tal-karbonju jsir iżjed stabbli, flessibbli u miftuħ għall-partijiet interessati kollha, fil-livell dinji, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill biex ifasslu qafas iddettaljat u kkoordinat dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' sistema industrijali tal-manifattura kompetittiva u sostenibbli.

1.11

Il-KESE jenfasizza li l-politiki ta' dekarbonizzazzjoni jistgħu jżidu l-impjiegi u jħallu effetti pożittivi fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-kwalità tal-arja. Jitlob ukoll li dawn il-fatturi jitqiesu fin-negozjati internazzjonali.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għandha tkun strument ewleini effiċjenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-produzzjoni tal-enerġija filwaqt li żżid l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-UE. Sabiex tkun effiċjenti mil-lat tal-ispejjeż trid issegwi l-loġika tas-suq, kapaċi tistimola l-prezzijiet tal-karbonju iżda wkoll irid ikollha effett pożittiv fuq l-investiment f'teknoloġiji b'emissjoni baxxa tal-karbonju u fuq l-iżvilupp ta' enerġija rinnovabbli u fuq iż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għal ekonomija tal-manifattura kompetittiva u konformi mal-objettivi tas-sostenibilità, li huma komuni mal-imsieħba ewlenin kollha, fil-livell dinji.

2.2

L-ETS bħalissa tistipola li l-kumpaniji meħtieġa jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom jingħataw krediti ekwivalenti għal emissjonijiet permessi f'tunnellati ta' CO2, fejn l-allokazzjoni tonqos kull sena (-1,74 %). Mill-2021, dan il-persentaġġ għandu jiżdied għal 2,2 %.

2.3

L-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS tal-UE) ipprovdiet mill-bidu nett li ġiet stabbilita prezz ta' referenza fuq livell tal-UE li ta' kuljum tmexxi d-deċiżjonijiet strateġiċi operattivi u ta' investiment bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-setturi kollha tal-ekonomija Ewropea, li huma responsabbli għal madwar nofs l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE.

2.4

Madankollu, wara l-kriżi ekonomika kbira u t-tnaqqis sussegwenti fl-attività ekonomika, is-sistema ħolqot żbilanċ strutturali bejn il-provvista u d-domanda għal kwoti tal-ETS, biex b'hekk kien hemm madwar 2 biljun kwota żejda. Dan l-iżbilanċ jidher li se jibqa' għal aktar minn għaxar snin.

2.5

L-eċċess fis-suq wassal għal tnaqqis drastiku fil-prezzijiet fi ħdan l-iskema fl-UE, minn EUR 30/tunnellata ta' CO2 għal EUR 13.09/tunnellata fl-2010 u EUR 11.45/tunnellata fl-2011 biex jilħaq prezz globali medju tal-karbonju fl-2012 ta' madwar EUR 5.82/tunnellata.

2.6

F'ħafna pajjiżi Ewropej ġew żviluppati diversi inizjattivi, bħaċ-Ċertifikati Bojod u ċ-Ċertifikati Ħodor fl-Italja, bil-għan li l-emissjonijiet tal-karbonju jitnaqqsu permezz tal-iffrankar u l-effiċjenza (Ċertifikati Bojod) jew billi jiġi sostitwit bl-idrokarburi, bħall-enerġija primarja, b'sorsi rinnovabbli (Ċertifikati Ħodor) (1).

2.7

L-industrija hija involuta l-ħin kollu fi proċess kontinwu ta' innovazzjoni sabiex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika. Madankollu, jidher ċar li bi tnaqqis eċċessiv fil-prezz tal-karbonju, it-tisħiħ tal-innovazzjoni xjentifika u teknoloġika sostenibbli jista' jsir iżjed diffiċli.

2.8

Skont ir-regoli attwali li fuqhom hija msejsa l-ETS, il-provvista ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-irkant hija stabbilita għal għadd ta' snin, mingħajr m'huma permessi aġġustamenti bħala rispons għal bidliet kbar fid-domanda. Dan iwassal għal żbilanċi li jdumu, b'impatti negattivi fuq l-innovazzjoni u l-investiment f'teknoloġiji ġodda u b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju.

2.9

F'Diċembru 2013 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddiskutew bidliet li għandhom isiru fil-mekkaniżmu tal-ETS u ddeċidew li jippermettu lill-Kummissjoni – f'każijiet eċċezzjonali u sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq sakemm jiġu adottati miżuri strutturali fit-tul – tipposponi, darba biss, il-bejgħ ta' massimu ta' 900 miljun kwota tal-karbonju, bl-istipular ta' skadenza ġdida għall-2020 minflok il-perjodu ta' tliet snin bejn l-2014 u l-2016.

2.10

Minkejja dan il-progress fuq medda qasira ta' żmien, l-UE għadha 'l bogħod milli ssolvi l-kwistjoni ta' eċċessi fit-tul.

2.11

Skont il-Kummissjoni, l-għażla li tiġi stabbilita riżerva tal-istabbiltà tas-suq li tibda topera fl-2021 – jiġifieri fir-raba' stadju – għandha tippermetti li jiġu inkorporati r-regoli attwali. Dan għandu jiżgura suq iżjed ibbilanċjat, bi prezzijiet tal-karbonju mmexxija iżjed mill-qrib minn tnaqqis tal-emissjonijiet fuq medda medja u fit-tul ta' żmien, u jipprovdi aspettattivi stabbli, iħeġġeġ investimenti f'użu baxx tal-karbonju u għandhom jibbenefikaw kumpaniji li għadhom soġġetti għal limitazzjonijiet kbar fuq l-użu intensiv tal-enerġija.

2.12

Ir-riżerva għandha tiftaħ it-triq għall-indirizzar tal-eċċess ta' kwoti ta' emissjonijiet li nġema' matul l-aħħar snin kif ukoll ittejjeb ir-reżiljenza tas-sistema għal xokkijiet kbar milli tibdel b'mod awtomatiku l-provvista ta' kwoti li jiġu rkantati.

2.13

Il-ħolqien ta' riżerva bħal din – forsi aħjar mill-posponiment (back-loading) li ġie miftiehem reċentement bid-deċiżjoni li jiġu rkantati 900 miljun kwota fl-2019-2020 – huwa appoġġjat minn firxa wiesgħa ta' partijiet interessati. Skont id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni proposta, ir-riżerva għandha topera kompletament skont regoli definiti minn qabel, mingħajr mal-Kummissjoni jew l-Istati Membri ikollhom iżjed diskrezzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni.

3.   Sommarju tal-proposti tal-Kummissjoni

3.1

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tistabbilixxi riżerva ta' stabbiltà tas-suq fil-bidu tal-perjodu li jmiss tal-ETS fl-2021. Ir-riżerva, flimkien mal-posponiment miftiehem reċentement tal-irkantar ta' 900 miljun kwosta sal-2019-2020, għandha tiftaħ it-triq għal:

l-indirizzar tal-eċċess ta' kwoti tal-emissjonijiet li nġema' fl-aħħar snin;

it-titjib tar-reżistenza tas-sistema għal xokkijiet kbar;

l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi sabiex jiġu aġġustati awtomatikament il-kwoti li se jiġu rkantati.

3.2

Skont id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni proposta, il-mekkaniżmi ta' aġġustament awtomatiċi definiti minn qabel m'għandhom iħallu l-ebda diskrezzjoni għall-Kummissjoni jew l-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom.

3.3

Il-proposta għall-ETS mill-2021 tagħmel parti mill-qafas ġdid tal-2030 għall-klima u l-enerġija propost mill-Kummissjoni – li dwarha l-KESE qed ifassal Opinjoni wkoll – u tkopri għadd ta' aspetti. Dawn jinkludu tnaqqis ta' 40 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra meta mqabbla mal-1990; miri vinkolanti fil-livell tal-UE sabiex is-sehem ta' enerġija rinnovabbli jilħaq mill-inqas 27 %; politiki tal-enerġija iżjed ambizzjużi; metodu ta' governanza ġdid; u sensiela ta' indikaturi ġodda sabiex tiġi żgurata sistema tal-enerġija kompetittiva u sikura.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kumitat minn dejjem kien “jappoġġja l-moviment lejn aktar bejgħ bl-irkant tal-kwoti. Il-bejgħ bl-irkant huwa konformi mal-prinċipju li min iniġġes iħallas, jevita l-gwadanni mhux previsti, jinċentiva u jiġġenera finanzi għall-investimenti f'installazzjonijiet u prodotti b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u jrawwem l-innovazzjoni” (2).

4.2

Il-KESE jaħseb li huwa kruċjali li tinżamm ETS b'saħħitha bħala l-bażi ta' politika tal-UE tal-klima u l-enerġija, li l-funzjonament tagħha m'għandux iwassal biex is-settur tal-manifattura jiċkien u jonqos u li jintilfu l-investimenti. Dan huwa possibbli permezz ta' sistema riformata ta' ġestjoni tas-suq tal-karbonju, li tista' taġixxi bħala għodda effikaċi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-industrija u setturi rilevanti oħra, jippromovi l-investiment f'teknoloġiji innovattivi b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, li huma kompetittivi fil-livell dinji.

4.3

Ħafna mill-miżuri fis-seħħ li jippromovu l-industrija fl-ambitu tas-sistema tal-ETS tal-UE se jkunu eliminati sal-2021 u l-assenjazzjoni b'xejn se titneħħa għal kollox fl-2027. Rigward it-tnaqqis tal-CO2, objettiv ġdid għall-2030 għas-setturi tal-ETS tal-UE jista' joħloq piżijiet żejda għall-industriji tal-UE.

4.4

Sakemm ftehim internazzjonali globali dwar it-tibdil fil-klima ma jistabbilixxix kundizzjonijiet ugwali fil-livell dinji għall-industrija, ETS tal-UE trid titfassal mill-ġdid b'mod li tikkumpensa bis-sħiħ għall-ispejjeż diretti u indiretti tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju li jinbtu mill-politiki tal-klima tal-UE, għas-setturi esposti għall-kompetizzjoni globali. Dan l-approċċ huwa konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta' Marzu 2013, li jipprevedi l-iżvilupp, għall-perjodu 2020-2030, ta' miżuri maħsuba biex jipprevjenu u jiżguraw is-sikurezza tal-programmazzjoni fuq medda twila ta' żmien għall-investimenti industrijali, sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industriji Ewropej b'użu intensiv ħafna tal-enerġija.

4.5

Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pjan Direzzjonali 2050 għal ekonomija b'użu baxx ta' karbonju (3), il-KESE rrakkomanda li l-Kummissjoni “tressaq pakkett komprensiv ġdid ta’ miżuri li jservu ta’ inċentiv għall-investiment ġdid u kbir li hemm bżonn sabiex jinkisbu dawn il-miri ġodda” li għandhom isaħħu l-“Iskema Ewropea għall-Iskambju tal-Emissjonijiet bħala għodda għall-iffrankar tal-ispejjeż li tiggwida d-deċiżjonijiet ta’ investiment li jittieħdu u miżuri oħra li: jippromovu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fis-setturi kollha; iżidu s-sensibilità tal-opinjoni pubblika, taċ-ċittadini u tal-konsumaturi dwar il-kapaċità tagħhom li jużaw il-poter tal-akkwist tagħhom sabiex jiffavorixxu oġġetti u servizzi b’livell baxx ta’ karbonju; jappoġġjaw investiment fl-infrastruttura li ser ikun hemm bżonn; jippromovu t-taħriġ u l-bini tal-kapaċità fis-setturi prinċipali”.

4.6

Il-Kumitat jemmen li l-istrateġiji u l-politiki ambjentali, tal-klima, tal-enerġija u tal-iżvilupp industrijali tal-UE għandhom ukoll jiġu kkoordinati iktar mill-qrib sabiex jinħolqu sinerġiji pożittivi: jekk wieħed iqis il-valur tal-kwoti tal-CO2 fis-suq tal-ETS biss bħala l-“prezz tal-karbonju”, u jiġu injorati l-ispejjeż assoċjati ma' strumenti oħrajn, bħal inċentivi għal sorsi rinnovabbli jew politiki tal-effiċjenza enerġetika, dan l-approċċ jista' jkun wisq semplistiku u mhux komplet, u jwassal għal valutazzjonijiet li ġeneralment mhumiex preċiżi (4).

4.7

Il-KESE japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2014 dwar il-ħtiġijiet tal-industrija fl-oqsma kollha, mill-enerġija għall-kompetizzjoni fil-kummerċ u t-taħriġ, u b'mod partikolari japprova l-prinċipju li skontu, il-kompetittività industrijali għandha tkun assoċjata ma' politika Ewropea koerenti fil-qasam tal-klima u l-enerġija, u anke tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' spejjeż għoljin ta' enerġija, b'mod partikolari għall-industriji b'użu intensiv ħafna ta' enerġija.

4.8

L-ETS għandha tipprovdi qafas leġislattiv komuni għas-settur tal-enerġija u setturi b'użu intensiv ħafna tal-enerġija, u tindirizza t-telf tal-kompetittività b'miżuri li jimmonitorjaw ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, u titħaffef l-implimentazzjoni ta' iżjed titjib fis-setturi li mhumiex fl-ETS, u li jirrappreżentaw iktar minn nofs l-emissjonijiet attwali ta' CO2 fl-UE, speċjalment fis-setturi b'potenzjal enerġetiku reali bħall-qasam tal-bini u tat-trasport.

4.9

Il-KESE jitlob bil-qawwa li r-riforma tas-sistema ETS tkun akkumpanjata minn miżuri b'saħħithom ta' stimolu għall-irkupru ekonomiku, permezz ta' investimenti fis-setturi b'potenzjal għoli, bħall-infrastruttura, l-ekonomija ekoloġika, u setturi industrijali strateġiċi bħar-riċerka u l-innovazzjoni u b'mod partikolari s-settur tal-manifattura u tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju.

4.10

Il-KESE huwa konvint li l-ETS tista' tkun strument tas-suq effettiv sabiex jitnaqqas l-ammont ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra b'mod sostenibbli mil-lat ekonomiku fis-sens li hija kapaċi tiżgura aktar stabbiltà. Tista' tagħmel dan billi tillimta azzjonijiet diskrezzjonarji u tintroduċi l-flessibilità, f'konformità ma' regoli definiti minn qabel, imsejsa fuq kriterji ta' trasparenza, prevedibilità u sempliċità, jiġifieri li l-operaturi tas-suq ikunu jistgħu jintegraw aspettattivi ta' aġġustament tal-provvista fl-imġiba tagħhom.

4.11

Biex ETS tkun effettiva, trid:

tillimita l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet;

toffri prospetti ta' investiment li huma prevedibbli;

tipprovdi ċ-ċertezza ta' objettivi stabbli fuq medda twila ta' żmien;

tiggarantixxi l-użu tad-dħul mill-irkanti biex tappoġġja (5)lin-negozji matul it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' CO2 u l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji nodfa.

4.12

Ir-rwol tal-ETS tal-UE mill-2020-2030 għandu jkun li jiffaċilita tnaqqis effiċjenti mil-lat ekonomiku fil-karbonju fl-istallazzjonijiet u s-setturi rilevanti, billi jsir investiment f'teknoloġiji b'użu baxx tal-karbonju, billi jintużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli u billi jsiru impenji b'saħħithom fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika.

4.13

Il-prezz tas-suq tal-kwoti tal-ETS iridu jkomplu jaqdu r-rwol ta' punt ta' referenza validu għal investimenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.

4.14

L-ETS tal-futur għandha żżomm l-aċċess għal miżuri ta' kumpens internazzjonali, peress li jipprovdi mod kredibbli kif jitnaqqsu l-emissjonijiet b'mod effiċjenti billi jintużaw l-opportunitajiet biex jinħoloq suq globali tal-karbonju.

4.15

Għandu jinżamm Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) imtejjeb u estiż, u għandu jingħata appoġġ adatt għar-rabtiet bejn l-ETS u skemi ġodda li qed jispontaw f'partijiet oħra tad-dinja.

4.16

Il-KESE jaħseb li huwa indispensabbli li jsir kull sforz, min-naħa tal-UE, sabiex jinħoloq suq internazzjonali tal-karbonju veru u proprju, billi jiġu estiżi mekkaniżmi effikaċi ta' skambju tal-kwoti, miftuħa għall-partijiet interessati ewlenin kollha f'livell dinji.

4.17

Għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi ġodda malajr u jkunu disponibbli biex il-gvernijiet jagħżlu li jużawhom, f'konformità mar-rekwiżiti nazzjonali tagħhom: dawn il-mekkaniżmi għandhom ikunu mfassla sabiex jevitaw, kemm jista' jkun possibbli, id-distorsjoni ta' kompetizzjoni bejn reġjuni għal prodotti li huma kummerċjalizzati globalment.

4.18

L-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fil-fatt tikkonverġi ma' politiki Ewropej u nazzjonali oħra, bħal inċentivi għal sorsi rinnovabbli jew l-effiċjenza enerġetika, u b'hekk jinħolqu distorsjonijiet fis-suq u ineffiċjenza: ir-reviżjoni tas-sistema għalhekk għandha titqies f'assoċjazzjoni iktar mill-qrib ma' regoli oħra li jaffettwaw l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u l-ispejjeż tal-enerġija għal finijiet industrijali.

4.19

Għażliet unilaterali jwasslu għal spejjeż ikbar relatati mal-CO2 (l-ewwel u qabel kollox spejjeż fuq l-enerġija) għall-kumpaniji u jistgħu jdgħajfu l-kompetittività ta' setturi strateġiċi tal-manifattura mingħajr ma jsir progres prattiku mil-lat tal-klima: studji reċenti (6) wrew li t-tnaqqisiet fl-emissjonijiet li ntlaħqu fl-UE huma kkanċellati minħabba ż-żieda fl-emissjonijiet li hija integrata fil-prodotti importati fl-UE.

4.20

Fil-fehma tal-KESE, għalkemm huwa importanti ħafna li jintlaħaq ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima fl-2015 li jkopri l-pajjiżi prinċipalment responsabbli għall-emissjonijiet, it-triq tal-innovazzjoni teknoloġika għandha tiġi segwita xorta waħda permezz tal-Orizzont 2020 u l-koordinazzjoni ta' programmi ta' investiment nazzjonali, sabiex tiġi salvagwardata l-kompetittività tal-industrija tal-manifattura fl-Ewropa billi jiġu promossi żoni industrijali ġodda u aħjar.

4.20.1

Sabiex jintlaħaq dan il-għan, għandu jiġi stabbilit qafas dettaljat u koordinat għal azzjoni futura, bl-objettiv li tinħoloq sistema industrjali li hija kompetittiva u sostenibbli fuq livell globali: għaldaqstant, il-KESE jappella biex il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jistabbilixxu dan il-qafas f'konformità mal-objettivi ta' żvilupp sostenibbli tal-Għanijiet tal-Millenju, indikati fl-Aġenda tan-NU għal wara l-2015.

4.21

Il-Kumitat jixtieq jerġa' jirrimarka li “tiġi kkunsidrata l-lezzjoni tal-vulnerabbiltà tal-ETS għall-forzi globali ekonomiċi. Huwa ċar li politika tal-klima li dwarha jkun sar qbil globali (jew in-nuqqas ta' qbil dwar dan) ser jiddeterminaw il-ġejjieni tal-ETS u r-riżultat tad-diskussjonijiet li ser isiru fl-2015 ser ikun kruċjali u l-miżuri radikali ta' rimedju li titlob l-ETS mhumiex possibbli mingħajr ċarezza politika globali” (7).

4.22

Il-KESE jenfasizza kif, mill-valutazzjoni tal-impatt relatata mal-qafas tal-2030, joħroġ fid-dieher li bl-introduzzjoni mill-ġdid tad-dħul mill-irkanti u billi jiġu estiżi għas-setturi kollha t-tariffi tal-karbonju, il-politiki ta' dekarbonizzazzjoni jistgħu jżidu l-impjiegi" (8) bl-istess mod kif huma importanti l-effetti pożittivi fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-kwalità tal-arja, u għaldaqstant jitlob li dawn il-fatturi jitqiesu fin-negozjati internazzjonali.

Brussell, 4 ta' Ġunju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  B'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/32/KE, li tipprevedi li l-Istati Membri kollha jridu jikkonformaw mal-PANEE (Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza Enerġetika) bil-għan li jitnaqqas il-konsum u jiġu żviluppati sorsi ta' enerġija rinnovabbli.

(2)  ĠU C 27, 3.2.20022.2009, p. 66.

(3)  ĠU C 376, 22.12.2011, p.110-116.

(4)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1.

(5)  Ara “Comparative Study of Different Measures Funded through the Use of Economic Environmental Instrument” (EESC 2012).

(6)  Glen P. Peters, Jan C. Minx, Christopher L. Weber e Ottmar Edenhofer (2010) “Growth in Emission Transfers via International Trade from 1990 to 2008”, PNAS; A. Brinkley, S. Less, “Carbon Omissions”, Policy Exchange, research note (2010).

(7)  ĠU C 341, 22.11.20111.2013, p. 82.

(8)  Ara SWD(2014) 18 final. Sinteżi tal-valutazzjoni tal-impatt, 22.01.2014.


26.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/52


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-“Approċċ tal-UE kontra t-traffikar ta’ Organiżmi Salvaġġi”

COM(2014) 64 final

2014/C 424/08

Relatur:

is-Sur Polica

Nhar is-7 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-Approċċ tal-UE kontra t-traffikar ta’ Organiżmi Salvaġġi

COM(2014) 64 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Mejju 2014.

Matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta' Ġunju 2014 (seduta tal-5 ta' Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'167 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jqis li ż-żieda kbira li seħħet dan l-aħħar fit-traffikar ta' organiżmi salvaġġi hija theddida ġdida għall-Unjoni Ewropea mil-lat ekonomiku, ambjentali, soċjali u tal-ħarsien tas-saħħa pubblika, kif ukoll minn dak tal-ispeċijiet indiġeni tal-annimali u l-pjanti. Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea għat-tfassil ta' strateġija olistika u kkoordinata biex dan ir-reat jiġi miġġieled b'aktar effikaċja.

1.2

Il-KESE jqis li l-punt tat-tluq tal-istrateġija għandu jkun ir-rispett, it-tisħiħ u l-koordinazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali (b'mod partikolari s-CITES (1)), tal-liġijiet, ir-regolamenti, il-politiki u l-istrumenti ta' infurzar li jeżistu diġà, biex fil-prattika jkun hemm integrazzjoni aħjar bejn is-setturi interessati kollha – il-ħarsien ambjentali, il-kontroll tad-dwana, is-sistema ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, eċċ. – u kooperazzjoni aktar effikaċi bejn pajjiżi ta' provenjenza, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni tal-organiżmi salvaġġi.

1.3

Il-Kumitat jinsab konvint li koordinament aktar b'saħħtu jista' jkun effikaċi jekk ikun appoġġjat minn sistema adegwata u omoġenja ta' taħriġ u sensibilizzazzjoni maħsuba għall-awtoritajiet kollha fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri li huma involuti fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' organiżmi salvaġġi.

1.4

Il-KESE jemmen li r-rwol tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' organiżmi salvaġġi hu fundamentali kemm fil-pajjiżi ta' provenjenza kif ukoll dawk destinatarji. B'mod partikolari, il-Kumitat jemmen li hu importanti s-sehem attiv u konxju tal-konsumaturi u tas-settur privat, billi jappoġġja l-introduzzjoni ta' sistema ta' tikkettar u traċċabbiltà.

1.5

Il-Kumitat iqis li hemm bżonn li l-popolazzjonijiet tal-pajjiżi terzi involuti f'dan it-traffikar għandhom jiġu offruti opportunitajiet ġodda u aħjar ta' żvilupp u xogħol sostenibbli.

1.6

It-traffikar ta' organiżmi selvaġġi qed jikber sew minħabba l-profitabbiltà għolja u r-riskju baxx ta' sanzjonijiet. F'termini ta' profitabbiltà potenzjali, din ix-xorta ta' kriminalità hija komparabbli mat-traffikar tal-bnedmin, tal-armi u tad-drogi, filwaqt li l-prijorità u r-riżorsi allokati għall-ġlieda huma ħafna inqas. Barra minn hekk il-pieni u l-miżuri ta' kontroll mhumiex applikati b'mod uniformi, ħaġa li tħeġġeġ lill-attività illegali biex tiċċaqlaq lejn pajjiżi b'sanzjonijiet inqas severi jew fejn l-awtoritajiet kompetenti huma inqas effettivi.

1.7

Għalhekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li t-traffikar ta' organiżmi salvaġġi jiġi inkluż fost ir-reati rilevanti għall-finijiet tal-miżuri kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-korruzzjoni, u jappoġġja l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet ġenwinament effikaċi, proporzjonali u dissważivi bħal ħabs b'piena massima ta' mhux inqas minn erba' snin.

2.   Introduzzjoni

2.1   Kuntest: Data dwar it-traffikar illegali ta' organiżmi salvaġġi

2.1.1

It-traffikar illegali ta' organiżmi salvaġġi huwa waħda mill-agħar forom ta' kriminalità organizzata, flimkien mat-traffikar tal-bnedmin u dak tad-drogi u tal-armi (2).

2.1.2

Fl-2013, il-kaċċa illegali żdiedet b'tali mod li xejnet ir-ripopolazzjoni li twettqet fl-aħħar tletin sena ta' speċijiet mhedda bħall-iljunfanti, it-tigri u r-rinoċeronti, biex saret theddida reali għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u għall-iżvilupp sostenibbli.

2.1.3

Il-qtugħ illegali tas-siġar jammonta għal 30 % tal-kummerċ dinji tal-injam u jikkontribwixxi għal iktar minn 50 % tad-deforestazzjoni fl-Afrika Ċentrali, ir-reġjun tal-Amażonja u x-Xlokk tal-Ażja, biex b'hekk qed iċaħħad lill-popolazzjonijiet indiġeni minn opportunitajiet importanti ta' żvilupp.

2.1.4

Huwa kkalkulat li s-sajd illegali jilħaq volum ta' 19 % tal-valur iddikjarat tal-qbid.

2.1.5

It-tixrid tal-kummerċ illegali huwa l-effett tad-domanda li qed tikber għal prodotti marbutin mal-fawna salvaġġa, speċjalment f'xi pajjiżi Ażjatiċi (eż. iċ-Ċina, il-Vjetnam), bħall-avorju tal-iljunfanti, il-qrun tar-rinoċeronte u l-għadam tat-tigri.

2.1.6

L-UE hija waħda mid-destinatarji ewlenin ta' prodotti ta' organiżmi salvaġġi ta' oriġini illegali (3), kif ukoll ċentru kruċjali tat-traffikar li jkun ħiereġ mill-Afrika, l-Amerka Latina u l-Asja.

2.2   Implikazzjonijiet diretti u indiretti tat-traffikar illegali ta' organiżmi salvaġġi

2.2.1

It-traffikar illegali tal-flora u tal-fawna salvaġġi huwa waħda mill-kawżi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità fid-dinja: kull sena mijiet ta' miljuni ta' eżemplari ta' speċijiet ta' annimali u ta' pjanti rari jitneħħew mill-ambjent naturali tagħhom u jinbiegħu fuq is-swieq klandestini.

2.2.2

Il-qtugħ illegali ta' pjanti tal-injam huwa l-kawża tad-deforestazzjoni tal-aktar żoni forestali importanti tal-pjaneta, tat-telf tal-bijodiversità, taż-żieda fl-effett serra, kif ukoll tal-kunflitti għall-kontroll tat-territorji u r-riżorsi u tat-telf tal-poter ekonomiku min-naħa tal-komunitajiet indiġeni.

2.2.3

Is-sajd illegali jikkawża t-tifqir tal-istokkijiet tal-ħut, ikisser il-ħabitats marittimi, joħloq tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u jdgħajjef il-komunitajiet kostali, l-aktar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

2.2.4

Ir-riskju ta' estinzjoni tal-organiżmi salvaġġi jikber meta jidħlu fatturi oħra bħall-użu mhux sostenibbli tal-art, it-tibdil fil-klima, l-użu eċċessi tal-pjanti mediċinali u t-turiżmu intensiv, b'mod partikolari tat-tip “għall-kaċċa” jew “qbid”.

2.2.5

Hemm riskju li l-konsum globalizzat jeżerċita pressjonijiet ambjentali kbar fuq il-bijodiversità, billi jikkawża d-degradazzjoni tal-ekosistemi u t-tnaqqis fil-kapaċità ta' persistenza tal-ispeċijiet indiġeni. (4).

2.2.6

It-traffikar illegali tal-ispeċijiet salvaġġi jirrappreżenta theddida għas-saħħa pubblika u għall-ispeċijiet indiġeni tal-annimali u l-pjanti. L-ispeċijiet tal-annimali li jgħaddu illegalment mit-territorji tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea mhumiex iċċertifikati mis-servizzi veterinarji adegwati, u għaldaqstant jistgħu jwasslu għat-tixrid tal-mard, speċjalment fil-każ ta' speċijiet ta' annimali ta' trobbija. L-evitar ta' kontrolli tas-saħħa tal-pjanti adegwati jesponi lill-ispeċijiet tal-pjanti indiġeni, ikkultivati u salvaġġi, għal riskji konsiderevoli li jittieħdu minn aġenti patoġeni ġodda. Barra minn hekk, huwa stmat li 75 % tal-mard li jittieħed emerġenti joriġina mill-annimali u li l-biċċa l-kbira tiegħu jkun derivat mill-ispeċijiet salvaġġi. It-traffikar illegali ta' dawn l-ispeċijiet jgħolli r-riskju ta' epidemiji dinjin bħall-influwenza tat-tjur H5N1 u s-SARS (5).

2.3   Referenzi

2.3.1

Il-Konvenzjoni ta' Washington (CITES) tal-1973 tirregola l-kummerċ f'termini ta' esportazzjoni, riesportazzjoni, importazzjoni, tranżitu u trasbord jew id-detenzjoni għal kwalunkwe skop, ta' xi speċijiet ta' annimali jew pjanti fir-riskju ta' estinzjoni. Il-Konvenzjoni timmira għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-popolazzjonijiet tal-annimali u tal-pjanti fuq skala dinjija.

2.3.2

Il-Kummissjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u għall-Ġustizzja Penali, fir-Riżoluzzjoni tas-26 ta' April 2013 iddefinixxiet it-traffikar ta' organiżmi salvaġġi bħala forma gravi ta' kriminalità organizzata li titwettaq minn gruppi kriminali organizzati fil-livell internazzjonali.

2.3.3

Il-konferma li xi gruppi armati jiffinanzjaw it-traffikar tagħhom permezz tal-kummerċ illegali ta' organiżmi salvaġġi wassal lis-Segretarju Ġenerali (Rapport S/2013/297) u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (Riżoluzzjoni 2013/2121) biex jagħrfu li l-kaċċa illegali u t-traffikar ta’ organiżmi salvaġġi huma fost il-fatturi li jinstigaw l-instabbiltà fl-Afrika 'l isfel mis-Saħara, u jheddu l-paċi u s-sigurtà. Barra minn hekk, f'Jannar 2014 il-Kunsill tas-Sigurtà għall-ewwel darba adotta sanzjonijiet maħsubin kontra individwi involuti fit-traffikar ta' organiżmi salvaġġi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Repubblika Ċentru-Afrikana.

2.3.4

F'Ġunju 2013, il-mexxejja tal-G8 impenjaw ruħhom li jadottaw miżuri biex jingħeleb it-traffikar illegali ta' speċijiet protetti jew mhedda u biex joffru appoġġ politiku u ekonomiku għall-kontroll territorjali u internazzjonali tal-fruntieri biex jiġu miġġielda l-fenomeni tal-korruzzjoni u tal-kriminalità organizzata transkonfinali.

2.3.5

Il-Parlament Ewropew, permezz tar-Riżoluzzjoni tal-15 ta' Ġunju 2014 (2013/2747(INI)), ħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal pjan ta' azzjoni tal-UE maħsub għall-kontroll tal-kummerċ illegali tal-ispeċijiet salvaġġi, billi ddefinixxa strateġija ta' azzjoni bi skadenzi u għanijiet ċari kemm fi ħdan it-territorji tal-pajjiżi membri kif ukoll fil-livell internazzjonali.

2.3.6

Permezz tad-Dikjarazzjoni ta' Londra (6) ta' Frar 2014 ġew stabbiliti għanijiet ġodda u aktar ambizzjużi għall-ġlieda kontra t-traffikar ta' organiżmi salvaġġi, fosthom il-modifika tal-leġislazzjoni fis-seħħ biex il-kaċċa illegali u t-traffikar tal-fawna salvaġġa jiddaħħlu fost ir-“reati gravi”, ir-rinunzja tal-użu tal-ispeċijiet mhedda bl-estinzjoni, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali u l-koordinazzjoni tan-“netwerks tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi salvaġġi” (7).

2.3.7

Id-Dikjarazzjoni finali tas-summit UE-Afrika tat-2-3 ta' April 2014 tipprevedi l-intenzjoni li jinbdew miżuri konġunti għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tal-ispeċijiet salvaġġi.

3.   Tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-konsultazzjoni

3.1   Il-politika u l-qafas leġiżlattiv li jinsabu fis-seħħ bħalissa fl-UE kontra t-traffikar ta’ organiżmi salvaġġi huma adegwati?

3.1.1

Il-KESE jemmen li l-qafas leġislattiv attwali li jinsab fis-seħħ fil-pajjiżi tal-UE għadu mhuwiex adegwat biex jiġu miġġielda b'mod effikaċi r-reati ambjentali, anke minħabba li l-pieni previsti mhumiex biżżejjed.

3.2   L-UE għandha ssaħħaħ l-approċċ tagħha għat-traffikar ta’ organiżmi salvaġġi billi tiżviluppa Pjan ta’ Azzjoni ġdid tal-UE, kif mitlub mill-Parlament Ewropew?

3.2.1

Fix-xenarju internazzjonali attwali, jidher li trid titfassal leġislazzjoni vinkolanti għall-Istati Membri li tistabbilixxi kriterji uniformi għal spezzjonijiet u monitoraġġ effikaċi, anke permezz ta' koordinazzjoni mar-regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni legali tal-ispeċijiet fl-ambjent naturali.

3.2.2

Il-KESE jappoġġja l-adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni simili għal dawk li diġà ġew adottati kontra suriet oħra ta' kriminalità organizzata bħat-traffikar tal-armi jew tal-bnedmin.

3.3   Kif tista’ l-UE żżid l-impenn politiku fil-livelli kollha kontra t-traffikar ta’ organiżmi salvaġġi? Liema jkunu l-aħjar għodod diplomatiċi li jiżguraw koerenza bejn inizjattivi internazzjonali differenti?

3.3.1

Il-KESE jilqa' b'mod favorevoli l-involviment akbar tad-diplomazija tal-pajjiżi milqutin mit-traffikar illegali tal-fawna u l-flora salvaġġa (l-iktar il-pajjiżi ta' provenjenza, ta' tranżitu u tas-swieq fejn jinbiegħu), li wasslet għall-iffirmar riċenti ta' intenzjonijiet komuni biex jittieħdu azzjonijiet deċiżivi u urġenti maħsubin biex jeliminaw id-domanda u l-offerta ta' prodotti miksuba minn speċijiet mhedda (8). Il-Kumitat jittama li l-komunità internazzjonali tadotta miżuri li jwaqqfu s-suq illegali li jiżguraw l-applikazzjoni ta' qafas leġislattiv komuni u ċert u li jippromovu ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali bl-involviment tal-komunitajiet lokali.

3.3.2

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE tippromovi strateġija għall-ġlieda dinjija tat-traffikar tal-organiżmi salvaġġi, abbażi ta' definizzjoni mill-ġdid tal-għanijiet tal-aġenda tan-NU għal wara l-2015.

3.4   Liema għodod fil-livell internazzjonali għandha tiffoka fuqhom l-UE biex issaħħaħ l-infurzar kontra t-traffikar ta’ organiżmi salvaġġi u ssaħħaħ il-governanza?

3.4.1

Il-Kumitat jemmen li l-kummerċ illegali jista' jkun monitorjat, interċettat u kkontrollat fid-dwani b'mod aktar effikaċi, permezz tal-koordinament tal-awtoritajiet nazzjonali li jkunu joperaw b'regoli, metodi u għanijiet uniformi. Ikun utli li l-UE tippromovi azzjonijiet maħsubin biex jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni effiċjenti u l-qsim tal-ħidma fl-intelliġenza fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri, proprju bil-għan li l-attivitajiet u l-metodi jsiru uniformi. Jista' jiġi previst ukoll appoġġ għall-pajjiżi msieħba l-ġodda (eż. għajnuna temporanja).

3.4.2

Il-fruntiera l-ġdida tal-kummerċ illegali hija rappreżentata mill-kummerċ onlajn li huwa diffiċli jiġi kkontrollat, bir-riskju li jagħmel ħsara anke lill-forom tal-kummerċ legali. Il-KESE jieħu nota b'interess ta' xi prattiki tajbin bħall-protokoll ta' ftehim bejn il-Korp Forestali Taljan u ż-żewġ portali ewlenin tal-avviżi onlajn (“eBay annunci” u “Subito.it”) li jipprevedi l-inklużjoni ta' aktar tagħrif biex jiġu megħjuna l-konsumaturi, kif ukoll il-possibbiltà li jiġu kkanċellati f'qasir żmien l-avviżi meqjusin suspettużi. Il-protokoll jipprevedi wkoll il-kontroll tal-avviżi permezz ta' filtri li jippermettu l-pubblikazzjoni biss ta' dawk l-avviżi li jiggarantixxu t-traċċabbiltà tal-prodott li jitqiegħed għall-bejgħ.

3.4.3

L-involviment internazzjonali għandu jinkludi r-rispett tal-ftehimiet multilaterali fil-qasam ambjentali u kummerċjali fis-setturi forestali u tas-sajd meta jiġu konklużi ftehimiet ta' kummerċ ħieles ma' pajjiżi terzi. Huwa fundamentali li jitkompla l-ilħiq tal-għanijiet tas-CITES dwar il-kummerċ internazzjonali tal-flora u l-fawna salvaġġa. Permezz ta' din il-Konvenzjoni, il-partijiet kontraenti jimpenjaw li jwettqu azzjonijiet konkreti kontra l-kuntrabandu u t-traffikar ta' xi speċijiet fil-periklu tal-estinzjoni.

3.4.4

L-awtorità tal-parteċipanti fil-Konsorzju Internazzjonali għall-ġlieda kontra r-reati fil-qasam tal-flora u l-fawna salvaġġi (ICCWC) (9), fosthom is-CITES, l-Interpol, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwani u l-Bank Dinji, tista' tiggarantixxi l-effikaċja tal-interventi maħsubin għat-titjib tal-kapaċitajiet tal-applikazzjoni tar-regoli u tar-rispett tad-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet dwar il-kontrolli tat-traffikar ta' orġaniżmi salvaġġi. Jemmen li l-azzjoni tal-Konsorzju għandha tagħmel użu mill-aħjar professjonisti Ewropej fil-ħidma lejn azzjonijiet ta' informazzjoni, l-għajnuna tal-awtoritajiet nazzjonali, u fl-aħħar u mhux l-inqas, fit-taħriġ fuq il-post tal-uffiċjali u l-fizzjali li jaħdmu fil-kontroll.

3.4.5

L-introduzzjoni u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt fil-pajjiżi ta' provenjenza tal-ispeċijiet salvaġġi, flimkien mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, huma kundizzjoni essenzjali biex jingħeleb it-traffikar tal-ispeċijiet salvaġġi. Għal dan il-għan, il-KESE jittama li l-UE tkun involuta direttament, anke mil-lat finanzjarju, biex tgħin il-ħolqien ta' korp ta' prosekuzzjoni u ta' maġistrati, fl-istess waqt li sseħħ kampanja ta' sensibilizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali.

3.5   Liema għodod huma l-iktar adattati għal azzjoni tal-UE biex tindirizza domanda internazzjonali u tal-UE għal prodotti illegali ta’ organiżmi salvaġġi? Xi rwol jista’ jkollhom is-soċjetà ċivili u s-settur privat f’dan ir-rigward?

3.5.1

Is-suċċess tal-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-organiżmi salvaġġi jitlob azzjoni doppja għat-tnaqqis tal-offerta, permezz ta' strateġiji li jżommu lura u jaqbdu l-frodi, kif ukoll għat-tnaqqis fid-domanda. Il-KESE jemmen li għal dan il-għan huwa fundamentali l-involviment attiv u infurmat tas-settur privat u tal-konsumaturi.

3.5.2

Kif mistqarr fid-Dikjarazzjoni ta' Londra, il-KESE jsostni l-ħtieġa li jiġu introdotti miżuri speċifiċi biex is-settur privat jieħu azzjoni b'mod responsabbli, u jħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' sistema ta' tikkettar u ta' traċċabbiltà li tiggarantixxi l-legalità u s-sostenibbiltà (ekonomika, ambjentali u għall-komunitajiet lokali) tal-kummerċ tal-organiżmi salvaġġi. Għal dan il-għan jistgħu jintużaw bħala referenza s-sistemi stabbiliti u li huma fis-seħħ bħalissa għall-kummerċ tal-kavjar u tal-injam tropikali (10).

3.5.3

Il-KESE jqis li hi meħtieġa bl-istess mod l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-konsumaturi dwar il-ħsarat ambjentali enormi li jsiru minħabba t-traffikar illegali u l-impatt tiegħu fuq il-ġenerazzjonijiet futuri. Il-KESE jġedded id-disponibbiltà tiegħu għall-promozzjoni ta' kwalunke inizjattiva l-UE tixtieq tieħu dwar dan, kemm fl-istituzzjonijiet (skejjel, mużewijiet, eċċ.), kif ukoll permezz ta' netwerks, konferenzi, reklami, dokumentarji – kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha, billi juża n-netwerks UE-Afrika tal-atturi ekonomiċi u soċjali stabbiliti fi ħdan il-Kumitat.

3.6   Kif tista’ l-UE żżid il-valur sabiex tindirizza l-implikazzjonijiet tal-paċi u s-sigurtà tat-traffikar ta’ organiżmi salvaġġi?

3.6.1

B'rabta ma' dan, il-KESE jqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ispeċijiet, li minħabba l-valur għoli tagħhom, jiġbdu l-attenzjoni tal-kriminalità organizzata, li thedded is-sigurtà interna u anke l-paċi fid-dinja. F'dan il-kuntest għandu jiġi żgurat li jittieħdu passi adatti fil-livell Ewropew u dak globali, permezz tal-kooperazzjoni mal-Europol, l-Interpol, u organizzazzjonijiet u fora oħra kif ukoll pajjiżi ewlenin li għandhom din il-problema.

3.6.2

Il-KESE ma jissottovalutax l-epidemiji dinjin riċenti bħall-influwenza tat-tjur H5N1 u s-SARS li huma konsegwenza indiretta tat-traffikar illegali ta' organiżmi salvaġġi. Għaldaqstant, is-sistemi msemmijin hawn fuq ta' traċċabbiltà, flimkien ma' mekkaniżmu adegwat ta' kontroll veterinarju u tas-saħħa tal-pjanti jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-bidu u t-tixrid ta' mard fuq skala dinjija.

3.7   Kif jistgħu l-istrumenti ta’ kooperazzjoni tal-UE jappoġġjaw aħjar ir-rinfurzar tal-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-konservazzjoni ta’ organiżmi salvaġġi u azzjoni kontra t-traffikar ta’ organiżmi salvaġġi?

3.7.1

Inizjattivi ta' kooperazzjoni internazzjonali fl-aktar kuntest wiesgħa ta' ftehimiet kummerċjali u/jew ta' sħubijiet ma' pajjiż terzi jistgħu jirrappreżentaw strument deċiżiv għall-qerda ta' dan it-traffikar.

3.7.2

L-NGOs jistgħu jaqdu rwol fundamentali fil-kampanji ta' sensibilizzazzjoni ta' appoġġ għall-politiki maħsubin għall-kontroll tal-offerta, u jistgħu jkunu l-ħolqa li tgħaqqad l-istituzzjonijiet u l-popolazzjonijiet ikkonċernati.

3.7.3

Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li l-popolazzjonijiet tal-pajjiżi terzi involuti fit-traffikar illegali ta' organiżmi salvaġġi jiġu offruti opportunitajiet ġodda u aħjar għall-iżvilupp u xogħlijiet sostenibbli, anke billi l-attivitajiet illegali jinbidlu f'attivitajiet legali, bħat-turiżmu responsabbli (11).

3.8   X’miżuri jistgħu jittieħdu biex itejbu d-dejta dwar kriminalità fuq organiżmi salvaġġi fl-UE sabiex jiġi żgurat li t-tfassil tal-politiki jista’ jiġi mmirat b’mod iktar effettiv?

3.8.1

Il-KESE jemmen li l-ġbir, it-tagħqid u l-analiżi tal-informazzjoni dwar il-kriminalità (bażi tad-data) mill-korpi ta' sigurtà internazzjonali (Europol, Interpol, UNODC) jistgħu jikkontribwixxu għall-fehim aħjar tal-istrateġiji tal-kriminalità organizzata u għall-prevenzjoni ta' dawn l-attivitajiet kriminali.

3.8.2

F'dan il-kuntest, TRAFFIC (12) jista' jaqdi rwol importanti għas-sensibilizzazzjoni tal-komunità internazzjonali u l-appoġġ fit-tixrid tad-data u l-informazzjoni dwar il-kummerċ illegali fost l-awtoritajiet rilevanti u l-partijiet interessati kollha.

3.9   X’miżuri jistgħu jittieħdu biex isaħħu l-infurzar kontra t-traffikar ta’ organiżmi salvaġġi mill-awtoritajiet ambjentali, il-pulizija, id-dwana u s-servizzi tal-prosekuzzjoni fl-Istati Membri u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet? Kif tista’ titqajjem kuxjenza fost il-ġudikatura?

3.9.1

Peress li r-reati ambjentali huma marbutin mill-qrib mal-korruzzjoni u l-flussi tal-flus ta' oriġini illeċta, il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li t-traffikar ta' organiżmi salvaġġi jiġi inkluż fost ir-reati rilevanti għall-finijiet tal-miżuri kontra l-ħasil tal-flus u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Għaldaqstant huwa favorevoli għall-applikazzjoni ta' linji gwida li jispjegaw l-użu ta' strumenti finanzjarji maħsubin apposta (eż. diliġenża adegwata), bil-għan li jkun hemm traċċabbiltà aktar effikaċi tat-tranżazzjonijiet komunitarji u internazzjonali.

3.9.2

Il-KESE jappella għall-introduzzjoni ta' sanzjonijiet verament effikaċi, proporzjonali u dissważivi, speċjalment biex jingħelbu t-traffiċi l-kbar immexxija mill-kriminalità organizzata internazzjonali. Għal dan il-għan hemm bżonn li l-istandards li joħorġu mill-UE jiżguraw li t-traffikar illegali ta' organiżmi salvaġġi jiġi inkluż mill-Istati Membri fost ir-“reati gravi” li jiġu kkastigati b'ħabs b'piena massima ta' mhux inqas minn erba' snin.

3.9.3

Għall-KESE huwa fundamentali li jiġu sensibilizzati l-awtoritajiet kollha involuti fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' organiżmi salvaġġi, billi jiġi pprovdut taħriġ adegwat kemm lill-aġenti li jwettqu l-kontrolli iżda anke għall-korpi ġuridiċi kompetenti. Din il-ħidma għandha tkun parti mill-proċeduri ġodda ta' koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-UE, u, fejn possibbli, bl-involviment anke tal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi.

3.10   Kif jistgħu għodod eżistenti kontra l-kriminalità organizzata fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri jintużaw aħjar biex jindirizzaw it-traffikar ta’ organiżmi salvaġġi? X’miżuri addizzjonali għandhom jiġu previsti, eż. rigward is-sanzjonijiet? F’dan ir-rigward, x’kontribut jistgħu jagħtu l-Europol u l-Eurojust?

Dawn ir-reati għandhom isiru għan prijoritarju għall-Europol, b'koordinazzjoni strateġika tal-korpi tal-pulizija differenti tal-Istati Membri, kif indikat mill-Kummissjoni Ewropea, kapaċi jikkumbattu b'effikaċja kemm ir-reati tal-qbid, it-teħid, iż-żamma, it-traffikar u l-bejgħ ta' speċijiet ta' flora u fawna protetti kif ukoll il-kummerċ u t-traffikar illegali ta' partijiet u prodotti derivati.

Brussell, 5 ta' Ġunju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  CITES – Convention on International Trade of Endangered Species (Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Ispeċijiet fil-Periklu ta' Estinzjoni) (1973).

(2)  Ir-Riżoluzzjoni adottata mill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Penali u approvata mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU.

(3)  F'dawn l-aħħar snin anke fl-ambitu tal-pajjiżi tal-UE ġiet irreġistrata żieda fit-tranżazzjonijiet illegali ta' xi speċijiet rari bħal għasafar, koralli, ħut u fkieren.

(4)  Pereżempju, fl-Ażja d-domanda li qed tikber għall-kaxmer wasslet għal żieda fit-trobbija ta' speċijiet domestiċi, biex b'hekk qed jittieħdu żoni tat-territorju dejjem akbar li qabel kienu għall-ispeċijiet salvaġġi erbivori (antilopi, żwiemel salvaġġi, ħmir) mill-qiegħ tal-katina tal-ikel tal-predaturi indiġeni l-kbar (eż. il-lupu, il-leopardu tas-silġ). Sors “Globalization of the Cashmere Market and the Decline of Large Mammals in Central Asia” ippubblikat fuq “Conservation Biology”.

(5)  Sors: Rapport tad-WWF – http://awsassets.panda.org/downloads/wwffightingillicitwildlifetrafficking_french_lr.pdf

(6)  Iffirmata minn Kapijiet ta' Stat, Ministri u rappreżentanti minn 46 pajjiż fil-Konferenza dwar il-Kummerċ Illegali tal-Ħajja Salvaġġa (12-13 ta' Frar 2014).

(7)  In-netwerks tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-ispeċijiet salvaġġi (wildlife enforcement networks) huma inizjattivi reġjonali intergovernattivi maħsubin għall-iskambju tal-informazzjoni u tal-prattiki tajbin dwar is-suġġett: http://www.cites.org/eng/news/pr/2013/20130307_wen.php

(8)  Dikjarazzjoni ta' Londra tal-14 ta' Frar 2014.

(9)  International Consortium on Combating Wildlife Crime.

(10)  Fl-ambitu tas-CITES, teżisti sistema ta' tikkettar universali għall-identifikazzjoni tal-kavjar, li l-importazzjoni tiegħu hija permessa biss wara li jkunu nxtraw awtorizzazzjonijiet apposta mill-awtoritajiet kompetenti. Għal dak li għandu x'jaqsam mas-settur forestali, il-liġi komunitarja ssostni l-għan li jiġi skoraġġut it-traffikar ta' injam tropikali permezz tal-appoġġ għat-twettiq tas-sistemi nazzjonali ta' traċċabbiltà li jsaħħu l-governanza tal-pajjiżi msieħba. Minn Marzu 2013, l-UE pprojbixxiet l-importazzjoni ta' injam u l-prodotti tiegħu minn kwalunkwe pajjiż tad-dinja jekk ikun inqata' illegalment u jindika lill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi membri biex jivverifikaw li, jekk ikun il-każ, jikkastigaw lil min jinnegozja l-injam b'oriġini kontroversjali.

(11)  It-turiżmu responsabbli huwa approċċ li jipprevedi kemm il-konservazzjoni tal-ambjent naturali tad-destinazzjoni kif ukoll l-attenzjoni għaż-żamma tal-popolazzjonijiet ospitanti, li jridu jiġu garantiti b'mezzi li jwasslu għal dħul finanzjarju. It-turiżmu konsapevoli, jew l-ekoturiżmu, ser jgħin lil ħafna pajjiżi joħorġu mill-faqar, ħafna familji biex jissoppravvivu u n-natura u l-annimali biex ikunu mħarsa.

(12)  http://www.traffic.org/


26.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Flimkien lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi”

COM(2013) 913 final

2014/C 424/09

Relatur:

is-Sur Iozia

Nhar is- ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Flimkien lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi

COM(2013) 913 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Mejju 2014.

Matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Ġunju 2014 (seduta tal-4 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’132 vot favur, l-ebda (0) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2013 u jqis li huwa importanti ħafna li jitkomplew il-programmi ta' appoġġ sabiex tiġi żviluppata mobilità urbana effiċjenti u sostenibbli, bħal pereżempju Civitas, IEE u oħrajn. Sabiex jiġu kkombinati proġetti ambizzjużi, bħal dak propost, kif ukoll in-nuqqas tal-mezzi finanzjarji disponibbli, tinħtieġ analiżi rigoruża u bir-reqqa tas-soluzzjonijiet possibbli kollha għall-inizjattivi li ma jistgħux jiġu posposti fil-qasam tal-mobilità sostenibbli.

1.2

Il-KESE jqis indispensabbli li

jiġu adottat pjani integrati u koordinati, li huma monitorjati kontinwament u li jiffokaw kemm fuq il-mobilità tal-persuni kif ukoll fuq il-katina loġistika u li jservu għall-membri kollha tas-soċjetà, speċjalment dawk b'mobilità mnaqqsa,

jiġi promoss il-prinċipju tas-sussidjarjetà hekk kif b'mod għaqli l-Kummissjoni sabet bilanċ bejn il-livelli differenti ta' responsabblità, b'mod partikolari billi jkunu involuti b'mod attiv l-Istati Membri,

tiġi promossa l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, anke billi jintuża l-kapital privat,

jiġu involuti ċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet soċjali kif ukoll dawk tas-soċjetà ċivili, biex il-pjan tal-mobilità sostenibbli jsir sfida tal-komunità kollha,

jiġi sostnut l-iskambju ta' prattiki tajbin, permezz ta' portal Ewropew kbir u uniku,

jerġa' jitnieda l-Patt tas-Sindki,

jiżdied l-impenn finanzjarju tal-UE u tal-BEI, li għandhom ikunu l-forza mexxejja sabiex il-proġett tal-mobilità urbana sostenibbli jiġi implimentat fuq skala Ewropea, li jolqot 70 % taċ-ċittadini tal-Unjoni,

tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-persuni privati li jipprovdu servizzi komplementari għat-trasport urban, b'approċċ organiku u mmirat,

issir ħidma biex tinkiseb loġistika koerenti u orjentata b'mod attiv għall-ksib tal-għanijiet ta' “belt reżiljenti”(transition town (belt fi tranżizzjoni)), li fiha l-komponenti kollha jaħdmu flimkien biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u s-saħħa taċ-ċittadini,

tiġi ġestita l-komplementarjetà pubblika privata, waqt li s-suq jinfetaħ għall-kompetizzjoni, bil-kundizzjoni li jiġu rispettati bis-sħiħ il-garanziji soċjali, il-kontroll tal-prezzijiet u s-sostenibbiltà ambjentali,

jiġu identifikati linji gwida standard għall-karatteristiċi ta' vetturi tat-trasport pubbliku, waqt li jinħoloq suq Ewropew, fejn huwa possibbli li jinkisbu ekonomiji ta' skala ma' ċentri ta' xiri.

1.3

Il-KESE jaqbel mar-rwol strateġiku li l-mobilità urbana għandha fil-progress lejn bliet intelliġenti, fuq skala umana, li jkunu kapaċi jegħlbu l-isfidi ambjentali u jadattaw għal kuntesti ġodda. Huwa jenfasizza l-ħtieġa kontinwa li tingħeleb is-segmentazzjoni li s'issa għadha tikkaratterizza, f'ħafna każijiet, il-politiki tat-trasport.

1.4

Il-miżuri li għandhom jittieħdu għandhom iqisu l-bżonn ta' bilanċ bejn l-aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali, li huma t-tliet fili tal-iżvilupp sostenibbli.

1.5

Il-KESE ma jopponix li t-trasport urban jinfetaħ għall-kompetizzjoni u għas-suq, sakemm jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-ħaddiema u l-postijiet tax-xogħol tagħhom, jinżamm netwerk distribwit u jitjiebu s-servizz u l-prezzijiet. Għandu jkun hemm azzjoni kontinwa ta' monitoraġġ sabiex jiġi żgurat li hemm konformità rigoruża mat-termini kuntrattwali

1.6

Il-KESE jqis li politika effikaċi, effiċjenti u sostenibbli tat-trasport hija bbażata fuq dan li ġej:

 

Fil-livell Ewropew

il-pjani tal-mobilità sostenibbli għandhom isiru esperjenza komunitarja kbira, li tinvolvi lill-belt f'inizjattivi fil-lokal, sabiex titjieb il-perċezzjoni taċ-ċittadini lejn il-bżonn li jsir tibdil, anke tal-imġiba stabbilita;

tnedija prinċipali tal-Patt tas-Sindki dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, li jinkludi l-effiċjenza tal-mobilità urbana;

il-finanzjament tal-inizjattivi meħtieġa, permezz tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi Ewropej, bħall-Fondi Strutturali, l-Orizzont 2020, għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur;

il-fondi tal-BEI b'rati sussidjati u l-ħolqien, fejn possibbli, ta' sħubijiet pubbliċi privati sabiex jitwettqu u jiġu ġestiti l-infrastrutturi urbani l-kbar;

 

Fil-livell nazzjonali

l-inċentivi lejn trasport aktar effikaċji u li jniġġes inqas, l-użu tat-teknoloġiji ġodda;

it-tisħiħ tad-dritt għall-mobilità sostenibbli, b'mod partikolari għaċ-ċittadini b'mobilità mnaqqsa;

 

Fil-livell territorjali

l-intermodalità;

l-iżvilupp ta' clusters ta' teleħidma;

politiki ta' taħriġ konġunti mmirati lejn uffiċjali pubbliċi u l-professjonisti tas-settur sabiex jiżviluppaw ħiliet u strateġiji konġunti;

politiki mmirati u sostenibbli ta' regolazzjoni tal-aċċessi fiż-żoni urbani ċentrali;

il-koordinazzjoni maż-żoni viċin taċ-ċentri urbani ewlenin fir-rigward ta' strateġiji konġunti;

l-involviment taċ-ċittadini sabiex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet;

il-ħidma kontinwa sabiex jiġu mmonitorjati r-riżultati miksuba u t-tibdil adegwat u rapidu tal-miżuri li mhumiex effiċjenti;

l-edukazzjoni fl-użu responsabbli tat-trasport pubbliku u privat;

l-iżvilupp ta' kooperazzjoni bejn l-intrapriżi sabiex ikun hemm koordinazzjoni fit-trasport minn u lejn l-industriji u ż-żoni tas-snajja';

l-involviment tal-gruppi mmirati, jiġifieri tal-gruppi bi ħtiġijiet simili, sabiex flimkien jiġu evalwati l-karatteristiċi tas-servizzi li huma mmirati lejn bżonnijiet speċifiċi.

1.7

Il-KESE jisħaq dwar l-importanza ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-korpi pubbliċi kompetenti u ċ-ċittadini u jirreferi għal dak li l-Kummissjoni kitbet fil-pjan ta' azzjoni tagħha dwar il-mobilità urbana (1) b'attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet fil-qasam tal-mobilità tal-gruppi vulnerabbli bħall-anzjani, il-gruppi bi dħul baxx u l-persuni b'mobilità mnaqqsa, li jeħtieġu politiki speċifiċi.

1.8

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni kellha tenfasizza bil-qawwa dawn l-aspetti, li jikkostitwixxu diskriminazzjoni intollerabbli. Il-Kummissjoni għandha tintrabat li tiżgura li dan id-dritt fundamentali Ewropew, id-dritt għall-mobilità, jiġi garantit liċ-ċittadini kollha fl-Istati Membri mingħajr ebda diskriminazzjoni.

1.9

Il-Kumitat jappella li jiġi indirizzat u solvut il-faqar fil-mobilità, hekk kif għamlet l-UE fil-każ tal-faqar enerġetiku u f'oqsma oħra; l-Istati Membri għandhom jipprevedu miżuri fir-rigward tal-klassijiet soċjali l-katar vulnerabbli u fqar. Id-dritt għall-mobilità huwa dritt universali u ma jistax jiġi limitat biss għaċ-ċittadini għonja.

1.10

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn il-potenzjal ta' loġistika urbana bħala element ta' effiċjenza mtejba u sostenibbiltà. Għalhekk il-loġisitika għandha tingħata attenzjoni adegwata fl-ippjanar urban u fil-proġetti ta' kooperazzjoni. Il-KESE jilqa' wkoll l-inizjattivi ppjanati mill-Kummissjoni f'dan il-qasam.

1.11

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni sabiex l-inizjattivi u l-politiki kollha fil-qasam tal-mobilità urbana jinġabru fi strument wieħed. Hemm mill-inqas 5 portali ddedikati għal din il-kwistjoni, u dan iwassal għal ħela ta' riżorsi u nuqqas ta' effiċjenza.

1.12

L-Ewropa u l-Istati Membri għandhom bżonn jiżviluppaw politika komuni integrata, b'viżjoni ambizzjuża u kondiviża. Iċ-ċittadini għandhom jiġu edukati dwar forom ta' trasport alternattiv u li jniġġes inqas. L-edukazzjoni hija l-ewwel għamla ta' bidla – li tiskopri mill-ġdid kemm hu sabiħ li tippassiġġa fil-belt, li tmur ix-xogħol jew li tiltaqa' mal-ħbieb bir-rota. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom iħeġġu dan it-tip ta' mobilità sostenibbli b'inizjattivi kulturali, jiġu żviluppati rotot storiċi jew arkittetorali fiċ-ċentri tal-belt, b'mixjiet bil-gwida u bl-appoġġ tal-organizzazzjoni ta' żjarat bir-roti li jiġbdu l-attenzjoni tan-nies minħabba li huma vivaċi u jħajru lill-oħrajn jagħmlu l-istess.

1.13

Il-bliet tal-lum ser jgħaddu minn bidliet kbar fl-oqsma tal-ippjanar urban u tal-arkitettura fl-għexieren ta' snin li ġejjin. Il-KESE jirrakkomanda li jinxterdu l-miżuri kollha disponibbli. Permezz tal-ICT, l-innovazzjoni urbana u l-inizjattivi lokali, huwa possibbli li titjieb il-mobilità u l-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jgħixu aħjar fil-bliet.

1.14

Il-KESE jirrakkomanda li jitqies kif dovut il-bżonn ta' distribuzzjoni ġusta u uniformi tan-netwerk tat-trasport urban, waqt li jiġi evitat li l-persuni li jgħixu f'żoni mhux serviti tajjeb jew li mhumiex serviti mit-trasport pubbliku jiġu kostretti li jkunu limitati għall-getti moderni tal-belt.

1.15

Huwa importanti li jkun hemm koordinazzjoni b'saħħitha u koerenti bejn l-awtoritajiet kollha pubbliċi u privati li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli kollha. Il-pjani tal-mobilità urbana sostenibbli, konsistenti mal-għanijiet fil-qasam tal-klima, l-ambjent u l-enerġija, il-protezzjoni tas-saħħa, l-iffrankar tal-ħin u l-enerġija u li huma xpruni għall-ekonomija, għandhom isiru prijorità fil-livelli kollha tal-UE.

1.16

Il-KESE jirrakkomanda li jiġu adottati miżuri konkreti li għandhom l-għan li jiżviluppaw mogħdijiet għaċ-ċiklisti u għall-persuni mexjin li jkunu dedikati esklużivament għal dan it-tip ta' mobilità sostenibbli. Dan għandu jsir fejn ikun possibbli u b'rabta maċ-ċentri intermodali tat-trasport pubbliku.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-Ewropa hija fost l-aktar kontinenti urbanizzati fid-dinja. Aktar minn żewġ terzi tal-popolazzjoni Ewropea llum jgħixu fiż-żoni urbani u dan il-perċentwal ikompli jiżdied (''Il-Bliet ta' Għada'' rapport tal-Kummissjoni Ewropea, 2011). F'ħafna bliet, il-mobilità hija dejjem aktar diffiċli u ineffiċjenti mil-lat tar-riżorsi, li ta' spiss tkun ikkaratterizzata minn konġestjoni kontinwa tat-traffiku, bi spiża annwali ta' EUR 80 biljun (l-ispiża totali tal-konġestjoni: ara SEC(2011) 358 final), kwalità ħażina tal-arja, l-aċċidenti, it-tniġġis bl-istorbju u emissjonijiet għoljin tas-CO2. Fil-fatt, fl-Ewropa, il-mobilità urbana hija bbażata l-aktar fuq l-użu tal-karozzi privati b'karburanti konvenzjonali.

2.2

Siim Kallas, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju responsabbli mill-mobilità u t-trasport, iddikjara li “L-indirizzar tal-problemi tal-mobilità urbana hija waħda mill-isfidi kbar fit-trasport illum. B’azzjoni koordinata nistgħu niksbu iktar suċċess” (http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-1255_en.htm).

2.3

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE rrikonoxxew li sabiex ikun hemm effiċjenza aħjar u aktar frankar fl-enerġija, hemm bżonn li jiġu adottati strateġiji adegwati fi ħdan is-setturi tat-trasport sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-użu tal-enerġija u tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra. Għal dan il-għan ġiet adottata d-Direttiva 2009/33/KE tat-23 ta' April 2009 li għandha l-għan li tistimula s-suq tal-vetturi għat-trasport bit-triq li huma nodfa u b'konsum baxx tal-enerġija, waqt li jitqies l-impatt tal-enerġija u ambjentali matul iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja.

2.4

L-għan tal-White Paper – Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti, COM(2011) 144 tat-28 ta' Marzu 2011 – huwa li tinbena sistema moderna u kompetittiva tat-trasport li tħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku u l-impjieg, titnaqqas id-dipendenza Ewropea fuq iż-żejt u jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2.

2.5

Attwalment fl-UE t-trasport huwa l-kawża ta' kwart mit-total tal-emissjonijiet tas-CO2 u jikkontribwixxi sostanzjalment, speċjalment fiż-żoni urbani, għad-deterjorament tal-kwalità tal-arja (partikuli, NOx, HC u CO). L-użu ta' karburanti alternattivi għall-petrol u d-dijżil għandu jnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport bit-triq, dejjem sakemm dawn ikunu prodotti b'mod sosteniblli.

2.6

Fl-Opinjoni dwar “Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana” (2), il-KESE kien wera li japprova għalkollox il-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fl-2009 tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana, fejn ipproponiet firxa ta' proposti lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex fiż-żoni urbani tiġi offruta l-ogħla kwalità ta' ħajja kemm jista' jkun sostenibbli. Madankollu, il-maġġoranza tal-miżuri proposti ma kinux vinkolanti.

2.7

Fost l-għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti mil-lat tar-riżorsi proposti mill-Kummissjoni kien hemm li “jitnaqqas bin-nofs sal-2030 l-użu fit-trasport urban ta' karozzi li jimxu bil-'fjuwil konvenzjonali'”; li “jitneħħew gradwalment mill-ibliet sal-2050”; li “naslu għal loġistika tal-ibliet essenzjalment ħielsa mis-CO2 fiċ-ċentri urbani ewlenin sal-2030” u li “sal-2050, nersqu eqreb għal żero mwiet marbuta mat-trasport bit-triq” (3).

2.8

Sabiex tagħti ħarsa ġenerali lejn l-inizjattivi implimentati mill-Unjoni Ewropea għal mobilità urbana sostenibbli, din l-Opinjoni tiġbed l-attenzjoni għall-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni Flimkien lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. U bid-densità għolja ta' popolazzjoni tagħhom, hemm potenzjal akbar għall-bliet li jersqu lejn il-mudell attwali ta' żvilupp lejn użu aktar effiċjenti tar-riżorsi disponibbli.

2.9

L-isfidi ambjentali l-ġodda li l-bliet u ċ-ċittadini jridu jaffrontaw fil-futur qrib ikkontribwixxew sabiex tissaħħaħ l-importanza kruċjali tal-mobilità urbana fil-bini ta' bliet “reżiljenti”(transition towns). Meta jitqiesu l-politiki għall-mobilità urbana, il-kunċett ta' reżiljenza għandu jipprovdi mbuttatura deċiżiva lejn integrazzjoni aktar effettiva tal-bidla urbana, li tiżgura approċċ governattiv integrat bejn il-politiki għall-ambjent, l-enerġija u l-mobilità.

2.10

Il-KESE jaqbel li jintuża approċċ integrat li jippromovi miżuri fid-diversi setturi bħall-ambjent u s-saħħa, it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti mil-lat tal-enerġija, titjib tal-infrastrutturi, pjanar urban u tat-trasport, loġistika fil-kunsinna tal-merkanzija, innovazzjoni u riċerka, sigurtà fit-toroq u sensibilizzazzjoni tal-pubbliku.

2.11

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-attenzjoni mogħtija lit-tnaqqis tal-inċidenti fit-toroq u lit-titjib tas-saħħa taċ-ċittadini, billi jiġu adottati strateġiji fit-tul li għandhom l-għan li jimplimentaw il-miżuri kollha adatti sabiex jinkisbu għanijiet ambizzjużi. Kull ħajja umana salvata b'dawn il-politiki, kull inċident evitat, kull ċittadin salvagwardjat, għas-soċjetà jirrappreżenta valur bla stima u dan għandu jkun il-kejl li bih tiġi vvalutata l-urġenza tal-miżuri.

3.   L-inizjattivi Ewropej fil-kuntest tal-mobilità urbana

3.1

L-istrateġiji u l-inizjattivi fil-livell Ewropew ġew orjentati biex jiffaċilitaw forom ta' mobilità urbana sostenibbli, bħall-promozzjoni tal-innovazzjoni fl-aspetti kollha tat-trasport urban, il-promozzjoni ta' sistema urbana intermodali, il-politiki għat-trasport pubbliku u għall-vjaġġi bil-mixi u bir-rota, u l-integrazzjoni tal-mobilità urbana fi ħdan qafas integrat u strateġiku ta' żvilupp urban. Sfortunatament, il-fondi disponibbli tnaqqsu u mhumiex biżżejjed għall-inizjattivi li hemm bżonn li jittieħdu fid-diversi livelli. Min-naħa tagħhom l-Istati Membri naqqsu l-fondi għall-amministrazzjonijiet lokali, li kellhom inaqqsu l-pass tal-pjani tagħhom għat-titjib tal-mobilità urbana. Hemm bżonn urġenti ta' bidla radikali fid-direzzjoni u terġa' tittieħed it-triq virtwuża tal-investimenti u tax-xogħol, u fuq kollox titjib rapidu tal-kwalità tal-ħajja tal-persuni.

3.2

Il-bliet u l-komunitajiet intelliġenti

3.3

Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) dwar il-bliet u l-komunitajiet intelliġenti tibni fuq l-inizjattiva dwar il-bliet u l-komunitajiet intelliġenti li nediet il-Kummissjoni Ewropea fl-2011. Din tgħaqqad rappreżentanti taċ-ċittadini, tal-intrapriżi u tal-komunità u toffrilhom spazju fejn jistgħu jidentifikaw, jiżviluppaw u jimplimentaw soluzzjonijiet innovattivi u jittrasformawhom f'realtà. Il-mobilità urbana sostenibbli hija waħda mill-fili prinċipali li fuqhom tikkonċentra l-EIP, flimkien ma' viċinati u ambjent mibni sostenibbli, infrastruttura u proċessi integrati fis-setturi tal-enerġija, tat-teknoloġija ta' informazzjoni u komunikazzjoni u tat-trasport.

3.4

Civitas

3.5

Sa mill-2002, l-inizjattiva Civitas, kofinanzjata mill-Kummissjoni Ewropea, tat lill-bliet nifs ta' arja ġdida billi introduċiet sistemi ta' trasport sostenibbli f'aktar minn 200 belt Ewropea u llum hija netwerk attiv ħafna f'dan is-settur. Fil-kuntest tal-Orizzont 2020, il-Kummissjoni għandha l-għan li testendi din l-inizjattiva lejn l-użu ta' teknoloġiji innovattivi sabiex tinkiseb mobilità kompetittiva u effiċjenti mil-lat ta' riżorsi. Il-KESE enfasizza diversi drabi l-importanza ta' din l-inizjattiva, kif ukoll ta' inizjattivi oħra li ttieħdu sabiex tiġi promossa l-mobilità sostenibbli.

3.6

In-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)

3.7

L-Unjoni Ewropea tappoġġja proġetti ta' interess komuni f'żoni urbani, bħat-titjib tal-operazzjonijiet loġistiċi urbani li huma parti minn ktajjen ta' forniment nazzjonali jew internazzjonali.

3.8

Il-Patt tas-Sindki

3.9

Qed isir progress bil-mod ħafna lejn modi ta' trasport aktar sostenibbli. L-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki mnedija mill-Kummissjoni fl-2008 tħeġġeġ lill-bliet firmatarji sabiex jintegraw kwistjonijiet relatati mat-trasport u mal-mobilità urbana fil-Pjani ta' Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli, waqt li jiġi żgurat l-involviment taċ-ċittadini u, b'mod aktar ġenerali, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili (Linji gwida tal-Patt tas-Sindki dwar il-Pjani ta' Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli).

4.   Kontenut tal-Komunikazzjoni

4.1

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet u l-ineffiċjenza attwali tal-mobilità fi ħdan il-bliet Ewropej u tindirizza kwistjonijiet bħall-konġestjoni għolja tat-traffiku, l-emissjonijiet għoljin tas-CO2, il-kwalità tal-arja, l-aċċidenti fit-toroq li jwasslu għall-mewt u l-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem.

4.2

L-għan tal-Komunikazzjoni huwa li jiżdied l-appoġġ għall-bliet Ewropej fil-ġlieda tagħhom kontra l-problemi tal-mobilità urbana sabiex jiġi garantit żvilupp sostenibbli u sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' sistema ta' trasport Ewropea aktar kompetittiva u effiċjenti mil-lat tar-riżorsi.

4.3

Għalhekk, il-Kummissjoni ser issaħħaħ il-miżuri tagħha ta' appoġġ għall-mobilità sostenibbli fis-setturi li għandhom valur miżjud Ewropew, kif ġej:

4.3.1

Il-kondiviżjoni tal-esperjenzi u t-turija tal-aħjar prattiki; miżuri adegwati sabiex jinxterdu l-aħjar prattiki, portali dedikati u l-ħolqien ta' grupp ta' esperti Ewropej jikkostitwixxu l-qalba tal-attivitajiet li l-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi.

4.3.2

L-iżgurar ta' appoġġ finanzjarju mmirat: bl-użu tal-fondi strutturali u l-investiment Ewropew, jistgħu jiġu implimentati miżuri konkreti u kondiviżi, b'mod partikolari fir-reġjuni l-aktar żvantaġġjati Il-fondi struturali, il-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħra disponibbli ser ikomplu jiffinanzjaw l-impenji ta' nfiq għat-trasport urban.

4.4

L-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni: l-inizjattiva Civitas 2020 fil-qafas ta' Orizzont 2020 ser tippermetti lill-bliet, lill-intrapriżi, lill-universitajiet u lil partijiet interessati oħra jiżviluppaw u jittestjaw approċċi ġodda għall-problema tal-mobilità urbana.

4.4.1

B'mod partikolari, il-Kummissjoni tipproponi li taħdem fuq dan li ġej:

4.5

L-involviment tal-Istati Membri: il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri joħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba sabiex il-bliet u l-metropoli jkunu jistgħu jiżviluppaw u jimplimentaw il-pjani tagħhom ta' mobilità urbana sostenibbli. Din hija l-attenzjoni prinċipali tal-Kummissjoni u huwa fundamentali li jinġabru risposti konvinti u pożittivi min-naħa tal-Istati Membri. F'dan il-każ, is-sussidjarjetà hija strateġija indispensabbli u rebbieħa, bil-kundizzjoni li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu b'impenn.

4.6

Il-ħidma flimkien: il-Kummissjoni tressaq għadd ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal azzjoni kkoordinata bejn il-livelli kollha ta' gvern u bejn is-settur pubbliku u dak privat fuq erba' aspetti:

loġistika urbana;

regolamenti dwar l-aċċess urban;

implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet ibbażati fuq sistemi ta' trasport intelliġenti;

sikurezza fit-toroq urbani.

Brussell, 4 ta' Ġunju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2009) 490 final/2.

(2)  ĠU C 21, 21.1.2011, pp. 56-61.

(3)  COM(2011) 144 final.


26.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa”

(COM(2014) 21 final)

2014/C 424/10

Relatur:

is-Sur Adams

Nhar il-15 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa

COM(2014) 21 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Mejju 2014.

Matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Ġunju 2014 (seduta tal-4 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’140 vot favur, 10 voti 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-prezzijiet tal-enerġija, b’mod ġenerali, laħqu u x’aktarx se jisbqu iktar il-livelli attwali, li huma storikament għoljin. Dan qed iħalli impatt negattiv kbir fuq il-baġits ta’ bosta konsumaturi domestiċi madwar l-UE, u l-konsumaturi industrijali spiss jintlaqtu bl-istess mod. Din il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa ta’ fehim akbar fis-soċjetà ċivili dwar kif il-kompożizzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija tista’ tgħin biex jinstab bilanċ bejn il-miri tagħna dwar il-klima, u l-bżonn tagħna ta’ sigurtà tal-enerġija. Mingħajr dan il-ftehim mhux se jkun hemm la aċċettazzjoni politika u lanqas aċċetazzjoni tal-konsumatur.

1.2.

Il-prezzijiet tal-enerġija jistgħu jkunu fattur importanti tal-kompetittività għall-industrija. Madankollu, analiżi ekonomika tal-kompetittività industrijali m’għandhiex tkun limitata għall-prezzijiet tal-enerġija. Fatturi ewlenin oħrajn bħalma huma l-intensità tal-enerġija u s-sehem tal-ispejjeż tal-enerġija fl-ispejjeż totali tal-produzzjoni kif ukoll il-marġini ta’ profitt għandhom jiġu kkunsidrati wkoll. Il-koerenza globali hija kruċjali għat-trażżin tat-tibdil fil-klima. Hemm riskju li t-tmexxija min-naħa tal-Ewropa jaf ikollha konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kompetittività, rilokazzjoni industrijali u esportazzjoni tal-karbonju.

1.3.

L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, u sorsi ta’ enerġija indiġeni oħra kollha jistgħu jtejbu s-sigurtà tal-provvista iżda kull waħda minnhom għandha fatturi ta’ spejjeż, riskju, impatt ambjentali u aċċettazzjoni soċjali assoċjati magħhom. Peress li l-approċċi nazzjonali u l-attitudnijiet ivarjaw huwa essenzjali li ssir analiżi trasparenti tal-ispejjeż, u rieżami u koordinazzjoni aħjar tal-istrumenti ta’ appoġġ (bħalma huma r-regolamenti u t-tariffi tat-tqegħid fuq il-grilja (feed-in)) sabiex tinstab taħlita tal-enerġija aċċettabbli f’kull Stat Membru u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien hija importanti daqstant ieħor.

1.4.

Hemm bżonn li tiġi żgurata l-kapaċità tal-industrija biex tadatta fil-futur bħalma għamlet fil-passat u li tissaħħaħ il-kapaċità tas-settur tal-enerġija b’mod partikolari sabiex jitwettaq l-investiment meħtieġ fis-sistema tal-enerġija. Dan se jeħtieġ impenji sodi mill-gvern li għandhom ikunu konsistenti mas-suq intern Ewropew tal-enerġija (IEM).

1.5.

L-IEM għandu jiġi kkompletat, iżda biex jagħti l-potenzjal sħiħ tiegħu jeħtieġ l-appoġġ ta’ strumenti bbażati fuq is-suq (MBIs) adatti, koordinazzjoni ġenwina tal-politiki nazzjonali tal-enerġija fil-livell tal-UE u direzzjoni komuni ċara. Enfasi mġedda fuq data trasparenti u preċiża hija prerekwiżit neċessarju. Għandha tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari f’kull Stat Membru – bħal pereżempju l-kwistjoni tal-‘gżejjer ta’ enerġija’ – u fil-verifika tal-prezzijiet għandu jitqies li mingħajr infrastruttura żviluppata, li teħtieġ investiment konsiderevoli, is-suq intern komuni tal-enerġija ma jistax jiġi kkompletat u b’hekk l-Istati Membri ma jistgħux jibbenefikaw mill-vantaġġi tiegħu.

1.6.

L-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż permezz tal-koordinazzjoni eqreb tal-UE u s-solidarjetà hija kruċjali speċjalment minħabba li l-lievi tal-politika tal-enerġija għadhom taħt il-kontroll dirett tal-Istati Membri. Din il-koordinazzjoni kienet dgħajfa fil-passat; hemm bżonn approċċ ġdid. Is-solidarjetà mill-Istati Membri hekk kif qed niffaċċjaw dejjem aktar inċertezzi dwar il-provvista hija kruċjali wkoll flimkien ma’ enfasi akbar fuq riċerka u żvilupp konġunti biex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi li jidhru fil-produzzjoni u l-katina tal-provvista tal-enerġija.

1.7.

L-iżvilupp ta’ hubs ta’ gass likwidi fost gruppi ta’ Stati Membri jista’ jottimizza u jnaqqas l-ispejjeż billi jikkontribwixxi għad-diżakkoppjar tal-prezzijiet taż-żejt u l-gass u billi jtejjeb il-flessibbiltà tal-ġeneraturi.

1.8.

Sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni, il-KESE jħeġġeġ li ssir azzjoni fuq programm estensiv u appoġġ dirett għalih li jintegra d-djalogu dwar l-enerġija fuq livell Ewropew. Dan għandu jinvolvi l-konsumaturi tal-enerġija, dawk domestiċi u industrijali, u l-partijiet interessati kummerċjali u istituzzjonali fil-katina tal-enerġija, flimkien ma’ awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali.

1.9.

Dan id-Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija (DEE) inklużiv, rappreżentattiv, indipendenti u trasparenti, għandu wkoll jipprovdi l-bażi għall-governanza l-ġdida fil-proċess propost mill-Kummissjoni biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u l-klima proposti fil-pakkett ta’ qafas għall-2030.

2.   Introduzzjoni u kuntest

2.1.

Għal bosta snin il-prezzijiet tal-enerġija, b’mod partikolari tal-elettriku, żdiedu b’rata ogħla mill-inflazzjoni fil-każ ta’ ħafna konsumaturi domestiċi u industrijali tal-UE. Il-familji madwar l-Ewropa ħassew impatt fuq il-baġits domestiċi tagħhom u kien hemm żieda sinifikanti fil-faqar enerġetiku f’xi Stati Membri. Il-kompetittività ta’ xi industriji ntlaqtet ukoll, speċjalment dik tal-industrija li tuża ħafna enerġija. Fil-passat l-industrija spiss wieġbet għal prezzijiet għoljin permezz tat-titjib fl-effiċjenza enerġetika u l-ispeċjalizzazzjoni fi produzzjoni ta’ valur miżjud għoli, iżda jista’ jingħad li qed tonqos il-possibbiltà biex dan ikompli jsir. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kompla żied il-pressjoni u, minkejja l-effiċjenzi enerġetiċi u t-tnaqqis, l-ispejjeż ikomplu jiżdiedu għal bosta konsumaturi.

2.2.

Żewġ rapporti ewlenin marbutin direttament mal-prezzijiet u l-ispejjeż jinsabu fil-pakkett ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea f’Jannar tal-2014. Wieħed huwa d-dokument ta’ ħidma tal-persunal dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija, u l-ieħor dwar l-iżviluppi ekonomiċi tal-enerġija fl-Ewropa. Il-pakkett jistabbilixxi l-għanijiet tal-klima u tal-enerġija għall-perjodu sal-2030 u jipproponi li jista’ jinstab bilanċ bejn il-protezzjoni tal-klima, iż-żamma tal-kompetittività industrijali u l-offerta ta’ enerġija affordabbli liċ-ċittadini. Dan se jirrikjedi fehim komuni, għarfien u komunikazzjoni tal-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija. Il-pakkett jimplika l-għarfien li l-appoġġ pubbliku se jkun kruċjali u li se jkun meħtieġ approċċ aktar realistiku fir-rigward tal-isfidi, partikolarment dawk finanzjarji. Il-Kummissjoni targumenta li l-objettivi jibagħtu sinjal qawwi lis-suq, jinkoraġġixxu investiment privat f’pipelines ġodda u netwerks tal-elettriku jew teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (1).

2.3.

Il-Komunikazzjoni dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija, is-suġġett ta’ din l-Opinjoni, tindika, l-istess bħall-IEA (2), li taħlita ta’ prezzijiet tas-suq dinji, investiment kruċjali fuq skala kbira fl-infrastruttura u fl-effiċjenza tal-enerġija, flimkien ma’ taxxi relatati mal-klima, se jwasslu biex il-prezz tal-enerġija jibqa’ fil-livell storikament għoli ta’ bħalissa. Barra li dan jista’ jkollu impatt negattiv qawwi fuq il-konsumatur, il-prezz attwali tal-elettriku għall-operaturi fis-settur tal-enerġija, li huwa ta’ madwar EUR 40 għal kull MWh, mhux se jippermetti lis-settur li jagħżel l-investimenti meħtieġa kemm għas-sostituzzjoni ta’ assi li qed jeqdiemu kif ukoll biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. Din l-Opinjoni tiffoka fuq ir-reazzjoni probabbli tas-soċjetà ċivili u sa liema punt jistgħu jiġu stabbiliti sinjali tas-suq qawwija u kapaċità ta’ reazzjoni politika biex jintlaħqu l-miri politiċi.

3.   Sommarju tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1.

Fil-ħames snin ta’ wara l-2008 il-prezzijiet tal-enerġija bl-imnut fl-Ewropa żdiedu, b’mod pjuttost sinifikanti f’xi Stati Membri, minkejja prezzijiet tal-elettriku relattivament stabbli għall-operaturi u prezzijiet kostanti għall-operaturi tal-gass. L-impatt fuq il-konsumaturi domestiċi u industrijali, b’mod partikolari matul il-perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, kien konsiderevoli u x’aktarx li se jkompli. Hemm ukoll varjazzjoni kbira bejn l-Istati Membri b’ċerti konsumaturi jħallsu 250-400 % aktar minn oħrajn. Parti sinifikanti minn dawn iż-żidiet kienet minħabba żidiet fl-ispejjeż tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni u żidiet fit-taxxi u l-imposti. Madankollu, l-ispiża tal-enerġija primarja tibqa’ l-akbar fattur fil-kompożizzjoni tal-prezzijiet.

3.2.

Il-gvernijiet tal-UE jeħtieġ li jikkompletaw is-suq intern tal-enerġija fl-2014. Il-liberalizzazzjoni tas-suq se tagħti spinta lill-investiment u l-kompetizzjoni u ttejjeb l-effiċjenza f’diversi oqsma, bil-possibilità ta’ benefiċċji fil-forma ta’ prezzijiet orħos. Il-konsumaturi u l-industrija (b’mod partikolari n-negozji żgħar u ta’ daqs medju) jistgħu jnaqqsu l-prezz li jħallsu billi jaqilbu għal fornituri ta’ enerġija orħos, fejn l-għadd ta’ fornituri huwa kbir biżżejjed.

3.3.

Il-gvernijiet tal-UE jeħtieġ ukoll li jiżviluppaw aktar l-infrastruttura tal-enerġija, jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija u r-rotot tal-provvista, u jieħdu pożizzjoni unifikata meta jinnegozjaw ma’ sħab ewlenin tal-enerġija.

3.4.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-politiki tal-enerġija ffinanzjati mill-utenti finali u l-kontribwenti jiġu applikati b’mod kemm jista’ jkun kosteffettiv u jsegwu l-aħjar prattiki.

3.5.

L-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri jeħtieġ jagħmlu iżjed sabiex iqabblu l-ispejjeż u l-prattiki tan-netwerks. Il-konverġenza tal-prattiki tan-netwerks madwar l-Ewropa għandha l-potenzjal li ttejjeb l-effiċjenza u tnaqqas l-element tal-ispiża tan-netwerk mill-prezzijiet.

3.6.

Il-konsumaturi domestiċi u l-industrija jistgħu, sa ċertu punt, ibaxxu l-ispejjeż tal-enerġija permezz tat-titjib fl-effiċjenza enerġetika. L-azzjonijiet volontarji mill-konsumaturi biex jaġġustaw il-perjodu tal-konsum tal-enerġija tagħhom (reazzjoni għat-talba) u t-teknoloġiji innovattivi tal-enerġija jistgħu jgħinu fl-iffrankar tal-enerġija u l-flus.

3.7.

L-UE għandha tissokta bl-isforzi tagħha mal-imsieħba internazzjonali dwar is-sussidji tal-enerġija u r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u għandha tgħin biex tipproteġi ċerti konsumaturi industrijali permezz ta’ trasferimenti fiskali u eżenzjonijiet u tnaqqis mit-taxxi u l-imposti.

3.8.

Essenzjalment, il-Kummissjoni targumenta favur l-ikkompletar tas-suq uniku għall-enerġija fl-UE u tissuġġerixxi li għandha tittieħed azzjoni mill-unitajiet domestiċi u l-industrija sabiex itejbu l-effiċjenza enerġetika tagħhom, jadottaw ir-reazzjoni għad-domanda u teknoloġiji u innovazzjonijiet ġodda oħra tal-enerġija biex jiffrankaw l-enerġija u l-flus, u li l-Istati Membri jeħtieġ li jimmodernizzaw b’mod sinifikanti t-trażmissjoni u d-distribuzzjoni. Huwa nnotat li t-tkabbir fl-enerġiji rinnovabbli jista’ jħalli impatt dirett fuq it-titjib tas-sigurtà tal-enerġija. Huwa rikonoxxut ukoll li għal konsumaturi domestiċi f’xi Stati Membri l-faqar enerġetiku jeħtieġ azzjoni, primarjament permezz ta’ miżuri ta’ politika soċjali. Jekk jirriżulta li jkun hemm tnaqqis fil-livell ta’ kompetittiva f’termini ta’ enerġija għall-industrija dan jista’ jiġi indirizzat ukoll, primarjament permezz tad-WTO, billi jiġu mminimizzati s-sussidji għall-enerġija minn pajjiżi kompetituri internazzjonali kif ukoll permezz ta’ trasferimenti fiskali.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Hemm tliet aspetti kruċjali għar-reazzjoni strateġika proposta mill-Kummissjoni. Irrispettivament mill-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija, tista’ tingħata ġustifikazzjoni soda favur it-tkomplija jew it-tisħiħ tal-approċċ lejn ekonomija “ekoloġika” kif enfasizzat fil-qafas tal-2030 u dan x’ikun ifisser għall-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija? It-tieni nett, nistgħu permezz ta’ djalogu soċjali effettiv nikkonvinċu lis-soċjetà ċivili li approċċ bħal dan huwa validu u aċċettabbli? It-tielet nett, ser ikun possibbli li s-suq jitħeġġeġ jiġġenera investiment privat ġewwa l-Ewropa f’sistemi ta’ pipelines u netwerks tal-elettriku ġodda u f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju?

4.2.

L-enerġija inġenerali, fil-forom varji tagħha, hija faċilment l-aktar komodità globali negozjata meta jitqies il-valur tagħha. Ir-rwol ċentrali tal-enerġija fl-iżvilupp ekonomiku se jiżgura li r-riċerka, l-esplorazzjoni, l-iżvilupp u l-produzzjoni u t-trażmissjoni tal-enerġija ser jinħtieġu investiment qawwi fil-futur prevedibbli. Dan japplika wkoll għall-ħtieġa, enfasizzata reċentement, li tinkiseb provvista sigura tal-enerġija. Dan normalment huwa kkaratterizzat mill-frażi, “id-dwal għandhom jinżammu mixgħulin”, peress li d-“dawl” jirrappreżenta r-rwol indispensabbli tal-enerġija fis-soċjetà moderna. Huwa meħtieġ li jiġi rikonoxxut li, fil-preżent, għanijiet oħra tal-politika tal-enerġija, kemm jekk nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, x’aktarx li se jkunu dipendenti fuq is-sigurtà tal-provvista, fattur li jeħtieġ rikonoxximent akbar fil-komunikazzjoni, u li biex jiġi assigurat jista’ jkollu wkoll spejjeż addizzjonali.

4.3.

Fl-istess ħin, jekk fuq perjodu ta’ żmien qasir sa medju rridu nlaħħqu mal-ispejjeż tat-tranżizzjoni lejn produzzjoni enerġetika b’livell baxx tal-karbonju, diversi fatturi importanti fuq livell globali għandhom ukoll ikomplu jiġu rikonoxxuti u enfasizzati mill-ġdid.

Il-produzzjoni tal-enerġija qed toħloq impatt ambjentali sinifikanti fuq il-pjaneta tagħna u fuqna stess, primarjament permezz tal-tibdil fil-klima iżda wkoll permezz ta’ effetti negattivi fuq is-saħħa.

Attwalment, 82 % tad-domanda globali tagħna għall-enerġija hija provvduta mill-karburanti fossili, li huma riżorsa limitata fuq perjodu ta’ żmien twil.

Ir-restrizzjoni preżunta ta’ riżorsi disponibbli (iż-żmien meta tintlaħaq il-quċċata tal-produzzjoni taż-żejt, eċċ.) hija inqas applikabbli minħabba esplorazzjoni ġdida jew l-iżvilupp ta’ proċessi ta’ estrazzjoni ġodda u l-pressjonijiet tas-suq biex jintużaw riżorsi ta’ karburanti fossili mhux konvenzjonali se jkunu konsiderevoli.

L-isfruttar ta’ terz biss tar-riżorsi magħrufa ta’ karburanti fossili huwa aktar minn biżżejjed biex iressaq il-pjaneta lil hinn mil-livell ta’ 450 ppm f’emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (jiġifieri 2 oC) iżda minkejja dan, it-tekniki ġodda tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni għadhom jirċievu investimenti kbar (3).

Bilfors trid titwettaq tranżizzjoni tal-enerġija biex jinqata’ l-użu tal-karburanti fossili. Il-pass tat-tranżizzjoni huwa kruċjali – irid ikun mgħaġġel biżżejjed b’mod li ma jippermettix impatt eċċessiv fuq il-klima filwaqt li jżomm stabbli l-istrutturi ekonomiċi u soċjali. L-isforz globali konġunt se jkun kritiku u biex jingħata kontribut għal din it-tranżiżżjoni se jkun essenzjali li tinżamm il-kapaċità ekonomika tal-UE. Il-koerenza globali hija kruċjali għat-trażżin tat-tibdil fil-klima. Hemm riskju li t-tmexxija min-naħa tal-Ewropa jaf ikollha konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kompetittività, rilokazzjoni industrijali u esportazzjoni tal-karbonju.

4.4.

Sal-lum huwa ċar li s-swieq waħidhom spiss jonqsu milli jindirizzaw kwistjonijiet soċjali u ambjentali – dan mhuwiex ir-rwol tagħhom. Il-KESE jemmen li s-swieq, għalkemm spiss huma tajba biex jintlaħqu l-għanijiet tal-effiċjenza u tal-ispejjeż fuq perjodu ta’ żmien qasir, iridu jiġu trasformati minn strumenti bbażati fuq is-suq sabiex ikun possibbli li jimplimentaw il-prijoritajiet soċjali (4). Dan jeħtieġ regolamentazzjoni tajba, l-appoġġ u l-involviment tas-soċjetà ċivili, u l-iżvilupp ta’ impenn qawwi għar-responsabbiltà soċjali korporattiva.

4.5.

Mingħajr fehim mis-soċjetà dwar id-dilemma li kemm l-UE u kif ukoll id-dinja qed jiffaċċjaw la se jkun hemm aċċettazzjoni politika u lanqas aċċettazzjoni mill-konsumatur. Hemm probabbiltà kbira li l-prezzijiet se jkomplu jogħlew. Il-konsumaturi se jkomplu joġġezzjonaw bil-qawwa għal żidiet bħal dawn. L-isfida hija li jitnaqqas l-impatt politiku u soċjali.

4.6.

Il-KESE jemmen li l-aktar approċċ effettiv huwa dak fejn il-konsumaturi Ewropej tal-enerġija, dawk domestiċi u industrijali, u l-partijiet interessati kummerċjali u istituzzjonali fil-katina tal-enerġija jipparteċipaw b’mod sħiħ fi djalogu attiv u kreattiv dwar dawn il-kwistjonijiet, b’mod li jwassal biex tittieħed azzjoni.

4.7.

Ftit hemm evidenza ta’ dan l-approċċ f’din il-Komunikazzjoni. Għalkemm isiru 41 referenza għas-“swieq”, b’kollox hemm biss tliet referenzi insinifikanti għal “involviment”, “ċittadin”, “djalogu”, jew “konsultazzjoni”. Xejra simili tinsab ukoll fid-dokument ta’ qafas ta’ politika għall-2020-2030.

4.8.

Il-konsistenza u l-azzjoni huma essenzjali fir-rigward ta’ dan is-suġġett. Id-dokument ta’ qafas tal-2011 “Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050” irrikonoxxa u elabora dwar dan il-punt – “Huwa kruċjali li jiġi involut il-pubbliku” (para. 3.4) iżda ftit ittieħdet azzjoni.

4.9.

Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jadottaw u jieħdu azzjoni, b’mod urġenti, dwar il-qafas għal Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija adottat mill-Kumitat fl-2013 fl-Oinjoni tiegħu dwar “Nistħarrġu l-bżonnijiet u l-mezzi għall-involviment u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-qasam tal-politika tal-enerġija” (5). Dan id-djalogu se jkollu rwol formattiv fl-istabbiliment u ż-żamma tal-proċess ta’ governanza madwar l-UE biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u l-klima.

4.10.

Proċess bħal dan għandu jenfasizza:

enfasi ħafna akbar fuq it-trasparenza, regolazzjoni stretta u governanza fil-livelli kollha

fehim u fiduċja akbar taċ-ċittadini/il-konsumaturi fl-operat tas-suq tal-enerġija b’taħriġ u konsulenza adatti

aktar involviment tal-pubbliku fl-għażla tat-taħlita tal-enerġija nazzjonali u tal-UE

flessibilità tal-Istati Membri biex jagħżlu politiki li huma l-aktar adatti għall-preferenzi u t-taħlita tal-enerġija nazzjonali, fil-konverġenza tagħhom lejn il-livell tal-UE

il-kisba ta’ miri nazzjonali (emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, sorsi tal-enerġija rinnovabbli u effiċjenza fl-użu tal-enerġija) fil-kuntest tal-integrazzjoni tas-suq

4.11.

Il-varjazzjoni fil-prezzijiet tal-enerġija madwar l-UE ġiet innotata qabel. Minkejja li l-varjabbiltà fl-ispejjeż tal-produzzjoni u l-forniment jikkontribwixxu għal dan, il-firxa wiesgħa ta’ taxxi u imposti fuq l-enerġija hija fattur sinifikanti. Fl-Istati Membri kollha, it-taxxi fuq l-enerġija jikkostitwixxu parti importanti mid-dħul tal-gvern, u anke meta titneħħa t-tassazzjoni fuq iż-żejt l-isfida biex jinstabu sorsi oħra ta’ dħul bħala alternattiva għal kull tnaqqis tat-taxxa tkun waħda sostanzjali (6).

4.12.

Madankollu, għandu jiġi nnotat li llum huwa aċċettabbli li jkun hemm taxxa għolja fuq ċerti tipi ta’ enerġija, għad li dan isir b’riżentiment. Fl-UE, it-taxxi fuq iż-żejt jagħmlu 55 % tal-prezz mqabbla ma’, pereżempju, 14 % fl-Istati Uniti u 41 % fil-Ġappun.

4.13.

Għandha tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari f’kull Stat Membru – bħal pereżempju l-kwistjoni tal-“gżejjer ta’ enerġija” – u fil-verifika tal-prezzijiet għandu jitqies li mingħajr infrastruttura żviluppata, li teħtieġ investiment konsiderevoli, is-suq intern komuni tal-enerġija ma jistax jiġi kkompletat u b’hekk l-Istati Membri ma jistgħux jibbenefikaw mill-vantaġġi tiegħu.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Is-“suq intern tal-enerġija” huwa partikolarment problematiku minħabba li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija interess nazzjonali essenzjali, li, minkejja l-progress lejn suq intern tal-enerġija, tibqa’ fil-biċċa l-kbira taħt il-kontroll jew l-influwenza diretta tal-Istat. Fatturi tekniċi, ta’ riżorsi u fatturi ġeografiċi ikkontribwixxew ukoll għad-diffikultà ta’ twassil fis-suq, meta mqabbla, pereżempju, ma’ ħafna kategoriji ta’ oġġetti għall-konsumatur.

5.1.1.

Il-mira ta’ kkompletar tas-suq uniku għall-elettriku u l-gass, stabbilita fit-tielet pakkett tal-enerġija l tal-2009, mhix se tintlaħaq u rriżulta li l-implimentazzjoni ta’ aspetti ewlenin tal-liberalizzazzjoni tal-enerġija kienet diffiċli. Il-kisba tal-benefiċċji tal-integrazzjoni tas-suq iffaċċjat reżistenza mill-gvern, l-intrapriżi u s-soċjetà. F’xi Stati Membri jinħass li l-bidliet komprensivi fil-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-enerġija, jista’ jkollhom effetti inaċċettabbli.

5.1.2.

Għalkemm il-konverġenza tal-prezzijiet għall-operaturi qiegħda ġeneralment isseħħ fl-Ewropa Ċentrali u tal-Punent, il-prezzijiet bl-imnut mhux qed jikkonverġu għaliex l-Istati Membri japplikaw skemi nazzjonali differenti biex jappoġġjaw l-investimenti fis-settur tal-enerġija u għax jiġu implimentati politiki nazzjonali differenti għat-tqassim ta’ dawn l-ispejjeż ta’ appoġġ fost il-konsumaturi finali. Konsegwentement, qed jiżviluppa suq tal-elettriku vulnerabbli li sempliċement jottimizza l-użu tas-sistema Ewropea eżistenti. Madankollu, dan mhuwiex biżżejjed għax jinħtieġ suq “reżiljenti” li jinċentiva investimenti ottimali fuq skala Ewropea kemm biex ikunu jistgħu iseħħu dawn l-investiment kif ukoll biex jiġi żgurat li dawn ikunu kosteffiċjenti. Pereżempju rieżami u koordinazzjoni aħjar tal-istrumenti ta’ appoġġ (bħalma huma r-regolamenti u t-tariffi tat-tqegħid fuq il-grilja (feed-in)) huma kruċjali.

5.1.3.

Dan jeħtieġ aktar likwidità fis-suq u pprezzar mill-hub, partikolarment għall-gass. Is-swieq tal-gass ġew stabbiliti f’ċerti Stati Membri iżda għad m’għandhomx biżżejjed likwidità biex joffru alternattiva vijabbli għal-indiċjar espansjonarju taż-żejt, u biex joffru prezzijiet abbażi tas-suq. Għalhekk huwa kruċjali li jiġu żviluppati hubs tal-gass u tittejjeb l-interkonnettività bejniethom f’termini ta’ kapaċità ta’ trażmissjoni, arranġamenti kuntrattwali u aċċess għas-suq, partikolarment segmenti flessibbli ta’ provvista. Meta l-ġeneraturi tal-enerġija jingħataw aċċess għas-swieq tal-gass ikollhom aktar flessibbiltà biex jottimizzaw il-perjodi ta’ ġenerazzjoni. Huma jistgħu jevitaw il-ġenerazzjoni matul perjodi ta’ telf u jippreżervaw il-kompetittività tal-impjanti, u b’hekk inaqqsu l-ispejjeż mhux koperti li jkollhom jgħaddu lill-konsumaturi.

5.1.4.

Għad hemm inċertezza dwar il-kompożizzjoni dettaljata tal-prezzijiet tal-enerġija fost l-Istati Membri. Ir-riċerka dettaljata li qed twettaq bħalissa l-Kummissjoni dwar aktar trasparenza kemm fil-kompożizzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija kif ukoll fl-iskala u l-impatt tas-sussidji tal-enerġija hija essenzjali sabiex tiġi stabbilita l-bażi għal kundizzjonijiet ekwi għall-produzzjoni tal-enerġija u l-ipprezzar. Hemm bżonn li kontinwament tinkiseb data dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fil-livell tal-impjant sabiex tittejjeb it-trasparenza dwar il-kundizzjonijiet operattivi li s-setturi tal-industrija jiffaċċjaw iżda wkoll sabiex il-politika tkun ibbażata fuq data tajba. Huwa kruċjali li tiġi żgurata t-trasparenza bħala l-ewwel pass lejn għażliet ta’ politika kosteffikaċi u bħala diskussjoni politika siewja mal-pubbliku. Dan japplika wkoll għall-kompożizzjoni tal-livelli ta’ qligħ tal-fornituri tal-enerġija. In-nuqqas ta’ statistiċi adattati tista’ tolqot ħażin il-kredibbiltà ta’ deċiżjonijiet ppreżentati bħala bbażati fuq l-evidenza. Dawn l-istatistiċi għandhom ikunu disponibbli f’kull livell ta’ governanza.

5.1.5.

L-industrija tista’ tagħmel investimenti u għamlet dan fil-passat biex tnaqqas l-intensità tal-użu tal-enerġija. Investimenti bħal dawn, madankollu, jeħtieġu rkupru tal-ispejjeż aċċettabbli u dawn l-investimenti għandhom it-tendenza li jsiru jiswew aktar maż-żmien.

5.1.6.

Fil-passat l-UE u l-Istati Membri għenu biex jipproteġu l-industriji vulnerabbli permezz ta’ taħlita ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas, eżenzjonijiet mit-taxxi u l-imposti u, f’ċerti każijiet limitati, b’kumpens. Minħabba li d-distakk bejn l-ispejjeż għall-politika dwar it-tibdil fil-klima fl-UE u l-ispejjeż f’xi wħud mill-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħha mhux se jonqos f’xi żmien qarib, il-Kummissjoni Ewropea għandha tivvaluta l-qafas legali eżistenti u teżamina approċċi ġodda, li huma aktar kompatibbli mas-suq intern, biex jindirizzaw l-industriji vulnerabbli.

5.1.7.

Peress li s-sigurtà tal-enerġija hija interess kruċjali għall-Istat, il-gvernijiet se jaċċettaw spejjeż kontinġenti żejda biex jiżguraw il-provvista. L-Istati Membri, għal raġunijiet ta’ sovranità, isibuha diffiċli biex jilħqu ftehim sodisfaċenti dwar proċess ta’ governanza fil-livell tal-UE, u b’konsegwanza ta’ dan ikunu lesti jittolleraw disinn tas-suq subottimali. Madankollu, f’sitwazzjonijet ta’ inċertezza dwar l-enerġija, is-solidarjetà hija kruċjali sabiex ikun hemm provvista tal-enerġija kontinwa.

5.1.8.

B’mod ġenerali, ftit hemm indikazzjoni li l-politiki nazzjonali tal-Istati Membri dwar l-enerġija, u li jvarjaw ħafna, jirrikonoxxu l-ħtieġa għal integrazzjoni aktar profonda fil-livell tal-UE. Dan idgħajjef is-suq intern tal-enerġija u jibgħat sinjali ta’ investiment li jfixklu. Il-KESE jemmen li pass deċiżiv lejn Komunità Ewropea ġenwina tal-Enerġija hija neċessarja biex jiġu koordinati strateġiji nazzzjonali tal-enerġija, b’mod partikolari biex il-provvista tal-enerġija tal-UE tiġi żgurata bl-inqas spiża.

5.2.   L-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija

5.2.1.

Fil-prinċipju, it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi hija stabbilit sew. Fil-prattika, it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, il-kompetizzjoni globali u nuqqas ta’ qbil dwar il-prijoritajiet bejn l-Istati Membri affettwaw il-ħeffa u l-effettività tat-tranżizzjoni (7).

5.2.2.

Dikjarazzjonijiet politiċi dwar l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija spiss kienu sempliċiment kliem fieragħ ta’ approvazzjoni tal-għan ta’ żvilupp sostenibbli tal-UE, li la għarfu l-ambitu tal-bidla ekonomika u soċjetali li dan iġib miegħu u lanqas l-ostakoli strutturali.

5.2.3.

Dan l-għan spiss kien interpretat ħażin bħala l-ekoloġizzazzjoni ulterjuri ta’ attivitajiet ekonomiċi eżistenti, jiġifieri anqas karbonju, bit-tama li dan jirriżulta f’aktar tkabbir u impjiegi. Madankollu l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija teħtieġ trasformazzjonijiet ħafna iktar profondi tax-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum – u tal-istili ta’ ħajja – aktar minn dak li x’aktarx huwa soċjalment aċċettabbli f’deċennju. Kważi l-attivitajiet ekonomiċi kollha jkollhom bżonn jiġu trasformati u, fil-perjodu ta’ tranżizzjoni mill-mudell ekonomiku tradizzjonali għal dak ekoloġiku, il-livell ta’ tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi huwa inċert. Dan għandu jiġi appoġġjat minn sforzi koordinati fir-riċerka u l-iżvilupp.

5.2.4.

Bl-istess mod tnaqqset ħafna l-importanza tal-ostakli għall-ekoloġizzazzjoni rapida, effettiva u virtuża tal-ekonomija. L-ipprezzar għandu rwol, pereżempju, fil-kwistjonijiet li ġejjin:

nuqqas ta’ rieda mis-setturi ekonomiċi (interessi proprji) u għalhekk mill-politikanti

il-vantaġġi li t-teknoloġiji eżistenti għandhom minħabba infrastrutturi li diġà saru ħlasijiet għalihom,

nuqqas ta’ prezzar tal-karbonju effettiv

regolazzjoni effettiva ta’ dikjarazzjonijiet ekoloġiċi

ir-riskji teknoloġiċi u politiċi ta’ teknoloġiji ġodda b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju

telf ta’ impjiegi u possibbiltà ta’ nuqqas ta’ rieda mill-ħaddiema għal taħriġ mill-ġdid

kwistjonijiet ta’ trasformazzjoni industrijali u l-impatti soċjali tagħhom

kwistjonijiet ta’ ffinanzjar f’kuntest ta’ tkabbir ekonomiku baxx (jew negattiv) u “konsolidament fiskali”

kompetizzjoni internazzjonali qawwija

l-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju tkun teħtieġ kunsens politiku u soċjali qawwi, investimenti pubbliċi u privati massivi appoġġjati minn aċċess faċli għall-finanzjament u viżjoni strateġika ċara, effettivament ekonomija “ekoloġika” ppjanata.

5.2.5.

Madankollu l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija se jkollha bżonn li ssir. L-ambitu huwa konsiderevoli u ferm esiġenti iżda ma hemmx għażla oħra jekk irridu niżguraw futur sostenibbli. Biex jintlaħaq dan l-għan se jkun meħtieġ li jinstab ritmu li jagħraf il-bilanċ bejn il-kredibbiltà politika, il-qawwa ekonomika, sistemi soċjali stabbli u l-għażla taċ-ċittadin. Madankollu, il-prekundizzjonijiet mhux qed jintlaħqu, b’mod partikolari f’termini ta’ parteċipazzjoni mill-pubbliku biex jiġu indirizzati l-ostakoli. Huwa minnu wkoll li jistgħu jinħolqu benefiċċji ċari bħalma huma l-iżvilupp ta’ suq li jkun mexxej fis-settur tal-enerġija sostenibbli u b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju. L-UE hija avvanzata sew fl-introduzzjoni ta’ elettriku b’livell baxx ta’ karbonju f’diversi forom ta’ sostituzzjoni tas-sħana, u għandha wkoll settur kbir li jiżviluppa innovazzjonijiet ta’ trasport sostenibbli.

5.2.6.

Ir-rwol tal-iffrankar u l-effiċjenza tal-enerġija huwa essenzjali biex jiġu minimizzati l-ispejjeż. Domestikament, għad hemm ħafna benefiċċji li għad iridu jitwasslu permezz ta’ ġestjoni tad-domanda tal-konsumatur. Eżempji notevoli ta’ effiċjenza u tnaqqis fl-użu qegħdin jiżdiedu b’rata mgħaġġla fil-binjiet tas-settur pubbliku (l-aktar f’każijiet ta’ bini ġdid), u l-isforz għal effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija fl-industrija, li huwa stabbilit sew f’ċerti setturi, xorta għadu jista’ jirriżulta fi tfaddil għal bosta negozji.

5.2.7.

L-Istrumenti bbażati fuq is-suq (MBIs) qdew rwol sinifikanti ħafna biex jinkoraġġixxu riorjentazzjoni tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Madankollu, fil-biċċa l-kbira kien hemm nuqqas ta’ konsistenza madwar l-UE fl-iskala u l-użu ta’ taxxi, imposti, sussidji u strumenti bbażati fuq is-suq oħrajn. Dan kien jidher partikolarment fir-rigward tal-enerġija. Għalhekk l-istrumenti bbażati fuq is-suq għandhom javvanzaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u għandhom jappoġġjaw l-irkupru ekonomiku (8).

5.3.

Ir-rekwiżit indispensabbli ta’ governanza effettiva sabiex jintlaħqu l-miri tal-UE dwar l-enerġija u l-klima proposti fil-pakkett dwar il-klima u l-enerġija għandu rabtiet ċari mal-issettjar ta’ parametri tas-suq konsistenti permezz ta’ regolaturi nazzjonali tal-enerġija. Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ politika tal-enerġija iktar koordinata, b’governanza konverġenti u konsistenti tal-politiki nazzjonali bħala pass lejn ottimizzazzjoni tal-ispejjeż mal-UE kollha, u għalhekk jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Madankollu, jemmen li hija meħtieġa riflessjoni fil-fond biex jiġi żgurat li s-sistema se tikseb verament l-objettivi tagħha u huwa tal-fehma li l-Kumitat jista’ jagħti kontribut siewi għall-proposti tal-Kummissjoni li huma previsti, b’mod partikolari f’termini ta’:

bilanċ bejn il-flessibilità u l-kisba tal-objettivi tal-enerġija,

parteċipazzjoni qawwija tal-pubbliku u leġittimità għal miżuri nazzjonali u tal-UE,

inkoraġġiment biex l-Istati Membri jkunu sidien tal-proċess,

kisba ta’ konverġenza konsistenti u affidabbli fil-livell tal-UE.

5.4.

Il-Kummissjoni qed tiffaċċja l-kompitu li tfassal sistema ta’ governanza li hija effettiva f’termini ta’ infurzar iżda flessibbli biżżejjed biex tirbaħ l-appoġġ tal-Istati Membri. Għalhekk, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, il-KESE jipproponi li titnieda riflessjoni politikament newtrali li tiġbor fiha l-opinjonijiet tal-partijiet interessati kollha. L-għan tagħha jkun li titfassal sistema ta’ governanza effettiva, flessibbli u inklużiva. Kemm il-proċess ta’ parteċipazzjoni mill-pubbliku kif ukoll is-sistema proprja ta’ governanza huma essenzjali għall-moderazzjoni u l-ispjega tal-isfida tal-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija.

Brussell, 4 ta’ Ġunju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Introduzzjoni: http://ec.europa.eu/energy/2030_en.htm

(2)  World Energy Outlook, IEA, 2013.

(3)  The Burning Question, Mike Berners Lee, Greystone Books, 2013.

(4)  ĠU C 226, 16.7.2014, pp. 1-9

(5)  ĠU C 161 – 6.6.2013, pp. 1-7.

(6)  Energy Policy and Energy Taxation in the EU: IREF Europe

http://www.irefeurope.org/en/sites/default/files/Energy_policy_EU.pdf

(7)  Opinjoni tal-KESE NAT/590 “L-ekonomija ekoloġika — inħeġġu l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa”.

(8)  NAT/620.


26.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ kaseini u kaseinati maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE”

COM(2014) 174 final — 2014/0096 COD

2014/C 424/11

Nhar it-2 ta' April 2014 u nhar l-10 ta' April 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ kaseini u kaseinati maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE

COM(2014) 174 final – 2014/96 COD.

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu tal-4 u l-5 ta' Lulju 2014 (seduta tal-4 ta' Lulju 2014), b’128 vot favur, 1 vot kontra u 4 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 6 ta' Ġunju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


26.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 għas-sena kalendarja tal-2014”

COM(2014) 175 final — 2014/0097 COD

2014/C 424/12

Nhar it-2 ta’ April 2014 u nhar it-22 ta’ April 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 għas-sena kalendarja tal-2014

COM(2014) 175 final – 2014/0097 COD.

Billi l-Kumitat diġà ta fehmtu dwar il-kontenut ta’ din il-proposta fl-Opinjoni tiegħu CES2942-2013_00_00_TRA_AC, adottata fit-22 ta’ Mejju 2013 (1), iddeċieda, matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu tal-4 u l-5 ta’ Ġunju 2014 (seduta tal-4 ta’ Ġunju), b’132 vot favur, 2 voti kontra u 6 astensjonijiet, li ma jfassalx opinjoni ġdida dwar il-kwistjoni, iżda li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokument imsemmi.

Brussell, 6 ta' Ġunju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Opinjoni tal-KESE NAT/602 dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għal pagamenti diretti stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2013”, 2013/C 271/27, paġna 143 tad-19 ta’ Settembru 2013.